Bastimenti tas-sajd — saħħa u sigurtà tal-ħaddiema abbord

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Id-Direttiva 93/103/KE li tirrigwarda l-ħtiġijiet minimi tas-sigurtà u s-saħħa għax-xogħol abbord il-bastimenti tas-sajd

X'INHU L-GĦAN TA' DIN ID-DIRETTIVA?

Din tiddeskrivi l-miżuri u r-responsabbiltajiet maħsuba biex itejbu s-saħħa u s-sigurtà abbord il-bastimenti tas-sajd.

PUNTI EWLENIN

Is-sidien tal-bastimenti tas-sajd għandhom jiżguraw li l-użu tagħhom ma jipperikolax is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, meta wieħed iqis il-kundizzjonijiet tat-temp prevedibbli. Skont it-termini tad-Direttiva 89/391/KEE, huma għandhom iqisu wkoll kwalunkwe periklu li jiġi ffaċċjat mill-ħaddiema li jibqgħu meta l-ko-ħaddiema tagħhom iħallu l-istazzjonijiet tax-xogħol tagħhom biex iwieġbu għal sitwazzjonijiet perikolużi.

Il-bastimenti ġodda tas-sajd u t-tiswijiet u l-bidliet kbar li saru lil bastimenti eżistenti kellhom jikkonformaw ma' rekwiżiti minimi tas-sigurtà u s-saħħa sat-23 ta' Novembru 1995, filwaqt li l-bastimenti eżistenti kellhom 7 snin biex jikkonformaw.

Kwalunkwe okkorrenza fuq il-baħar li taffettwa s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema abbord għandha tiġi rrappurtata lill-awtoritajiet rilevanti u titniżżel fir-reġistru tal-vapur.

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li l-bastimenti jiġu ċċekkjati b'mod regolari minn awtoritajiet speċifiċi sabiex tiġi żgurata konformità mad-Direttiva.

L-obbligi tas-sidien

Is-sidien għandhom jiżguraw li l-bastimenti kif ukoll il-fittings u t-tagħmir tagħhom ikunu nodfa u miżmuma tajjeb u għandhom isegwu r-rekwiżiti dettaljati mniżżla fl-annessi għad-Direttiva fl-oqsma li ġejjin:

Abbord għandu jinżamm tagħmir ta' salvataġġ u ta' sopravivenza adegwat u xieraq.

Taħriġ u konsultazzjoni

Il-ħaddiema għandhom jinżammu infurmati dwar il-miżuri tas-saħħa u s-sigurtà u għandhom jiġu mħarrġa kif xieraq, b'mod partikolari fil-prevenzjoni tal-inċidenti u l-użu ta' tagħmir ta' salvataġġ u ta' tagħmir ta' sopravivenza. Kull min ikollu l-possibbiltà li jmexxi għandu jiġi mħarreġ aktar fil-prevenzjoni ta' mard jew ta' inċidenti relatati max-xogħol, fl-istabbiltà u fil-manutenzjoni tal-bastimenti taħt il-kundizzjonijiet operazzjonali kollha prevedibbli, u n-navigazzjoni u l-komunikazzjoni tar-radju.

Il-ħaddiema jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jiġu kkonsultati dwar il-miżuri tas-sigurtà u tas-saħħa skont id-Direttiva 89/391/KEE. Ir-rappreżentanti għandhom jingħataw il-mezzi sabiex iwettqu dawn l-attivitajiet, inklużi jiem liberi mix-xogħol mingħajr telf ta' paga, u ma għandhomx jiġu penalizzati minħabba fihom. Huma għandu jkollhom ukoll l-opportunità li jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom matul iż-żjarat ta' spezzjoni taħt it-termini ta' parteċipazzjoni tal-ħaddiem imsemmija fid-Direttiva 89/391/KEE.

Implimentazzjoni

Kull 5 snin, il-pajjiżi tal-UE għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni Ewropea dwar l-implimentazzjoni prattika tad-Direttiva, inklużi l-opinjonijiet tal-impjegaturi u tal-ħaddiema.

Ir-Rapport tal-2009 mill-Kummissjoni jivvaluta l-implimentazzjoni prattika ta' din id-Direttiva, kif ukoll id-Direttiva dwar ir-rekwiżiti minimi tas-sigurtà u tas-saħħa għal trattament mediku mtejjeb abbord il-bastimenti tal-1992.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Ilha tapplika mit-2 ta’ Jannar 1994. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sat-23 ta’ Novembru 1995.

SFOND

Għal aktar tagħrif, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva tal-kunsill 93/103/KE tat-23 ta' Novembru 1993 li tirrigwarda l-ħtiġijiet minimi tas-sigurtà u s-saħħa għax-xogħol abbord il-bastimenti tas-sajd (it-tlettax-il Direttiva individwali li taqa' taħt it-tifsira ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391KEE) (ĠU L 307, 13.12.1993, p. 1–17)

Emendi suċċessivi għad-Direttiva 93/103/KE ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta' Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU L 183, 29.6.1989, pp. 1–8)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/29/KEE tal-31 ta' Marzu 1992 dwar ħtiġiet minimi ta' sigurtà u ta' saħħa għal trattament mediku mtejjeb abbord bastimenti (ĠU L 113, 30.4.1992, pp. 19–36)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Rapport mill-Kumissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-implimentazzjoni prattika tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol fid-Direttiva 93/103/KE (bastimenti tas-sajd) u d-Direttiva 92/29/KEE (trattament mediku abbord il-bastimenti) (COM(2009) 599 final tad-29.10.2009)

l-aħħar aġġornament 18.08.2016