L-immodernizzar tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi

Bħala l-ewwel għajnuna li jirrikorru għaliha ħafna persuni li jkunu qegħdin ifittxu impjieg, is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi (PES) għandhom rwol ewlieni sabiex iwasslu politiki fis-suq tax-xogħol. Billi jaħdmu flimkien aktar mill-qrib madwar l-Unjoni Ewropea (UE), il-PES għandhom jgħinu sabiex tintlaħaq il-mira tal-Istrateġija Ewropa 2020, jiġifieri li jkun hemm 75 % tal-popolazzjoni li jkollha impjieg.

ATT

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: L-immodernizzar tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi sabiex jappoġġjaw l-istrateġija Ewropea dwar l-impjiegi (COM(98) 641 final tat-13.11.1998).

SOMMARJU

Bħala l-ewwel għajnuna li jirrikorru għaliha ħafna persuni li jkunu qegħdin ifittxu impjieg, is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi (PES) għandhom rwol ewlieni sabiex iwasslu politiki fis-suq tax-xogħol. Billi jaħdmu flimkien aktar mill-qrib madwar l-Unjoni Ewropea (UE), il-PES għandhom jgħinu sabiex tintlaħaq il-mira tal-Istrateġija Ewropa 2020, jiġifieri li jkun hemm 75 % tal-popolazzjoni li jkollha impjieg.

X’TAGĦMEL DIN IL-KOMUNIKAZZJONI?

Hija tħares lejn il-parti li l-PES għandhom fl-istrateġija tal-impjiegi tal-UE u lejn l-ambjent fejn joperaw, li qiegħed jinbidel b’mod rapidu. Hija tidentifika l-ħtieġa li l-irwol, il-metodi ta’ ħidma, il-miri u l-għanijiet tagħhom għandhom jevolvu. Hija ħejjiet ukoll il-bażi għal deċiżjoni li ġiet adottata fl-2014 sabiex jiġi stabbilit netwerk mifrux mal-UE kollha ta’ PES għall-perjodu 2014-2020.

PUNTI EWLENIN

L-irwol tal-PES fl-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropea dwar l-impjiegi

fornituri ta’ informazzjoni dwar is-suq tax-xogħol: dawn jiġbru dejta dwar il-postijiet tax-xogħol battala u l-applikanti potenzjali u jipprovdu informazzjoni dwar il-possibbiltajiet ta’ taħriġ u taħriġ mill-ġdid;

sensara: dawn juru l-postijiet tax-xogħol battala li jridu jimtlew u jfittxu li jqabblu l-provvista tax-xogħol mad-domanda;

aġġustament tas-suq: billi jiġu involuti fl-implimentazzjoni tal-politiki dwar is-suq tax-xogħol, il-PES jistgħu jgħinu sabiex jaġġustaw il-provvista u d-domanda fl-impjiegi permezz ta’, pereżempju, programmi maħsuba biex inaqqsu d-diskrepanzi fil-ħiliet.

Mudelli ta’ PES li jvarjaw

Il-livelli tal-effikaċja tal-PES meta jwasslu programmi dwar is-suq tax-xogħol ivarjaw minn pajjiż tal-UE għal ieħor minħabba l-mandati, l-istrutturi organizzattivi, l-istrumenti u s-swieq tax-xogħol li jvarjaw.

Ambjent li qiegħed jevolvi

Il-profil dejjem jinbidel ta’ dawk li jfittxu l-impjiegi (żgħażagħ b’edukazzjoni ogħla, aktar nisa, ħaddiema li qegħdin jixjieħu, eċċ.);

Il-ħtiġijiet dejjem jinbidlu ta’ dawk li jħaddmu (tranżizzjoni għal ekonomija ta’ servizzi);

Bidla teknoloġika rapida u l-ħtieġa li jibqgħu kompetittivi;

Ir-relazzjonijiet tax-xogħol dejjem jinbidlu (kuntratti, ħin tax-xogħol aktar flessibbli, eċċ.);

Livelli għoljin u persistenti ta’ qgħad.

Il-PES jaħdmu flimkien

Il-PES ilhom jaħdmu flimkien b’mod informali fil-livell tal-UE mill-1997 u huma involuti fl-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-UE dwar l-Impjiegi u fit-twassil tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali assoċjati.

Kooperazzjoni akbar bejn il-PES tqieset bħala kruċjali sabiex jintlaħqu l-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020 dwar l-impjiegi. B’hekk, fl-2014, l-UE qablet li tistabbilixxi netwerk b’bażi legali soda bil-għan li tintensifika l-kooperazzjoni bejn il-PES tal-pajjiżi tal-UE.

Huwa jimmira li:

joħloq punti ta’ riferiment sabiex iqabbel il-prestazzjoni tal-PES;

jidentifika prattiċi tajbin ibbażati fuq evidenza u jippromwovi t-tagħlim reċiproku;

jippromwovi t-titjib tat-twassil tas-servizzi tal-PES, inkluż tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ;

jikkontribwixxi għall-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi u għall-politiki nazzjonali korrispondenti.

Għal aktar tagħrif, ara s-sit elettroniku dwar is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi tal-Kummissjoni Ewropea.

ATTI RELATATI

Deċiżjoni Nru 573/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar kooperazzjoni mtejba bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES) (ĠU L 159 tat-28.5.2014, p. 32-39).

L-aħħar aġġornament: 20.04.2015