EURES — il-portal Ewropew dwar il-mobilità fix-xogħol

EURES — Servizzi Ewropej tax-Xogħol — huwa netwerk ta’ kooperazzjoni intiż biex isib opportunitajiet ta’ xogħol u jiffaċilita l-moviment liberu tal-ħaddiema fil-pajjiżi taż-ŻEE (il-pajjiżi tal-UE, in-Norveġja, l-Islanda u l-Liechtenstein) u fl-Isvizzera.

ATT

2003/8/KE: Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Diċembru 2002 li timplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 fir-rigward tal-approvazzjoni ta’ postijiet tax-xogħol battala u applikazzjonijiet għall-impjieg

SOMMARJU

EURES — Servizzi Ewropej tax-Xogħol — huwa netwerk ta’ kooperazzjoni intiż biex isib opportunitajiet ta’ xogħol u jiffaċilita l-moviment liberu tal-ħaddiema fil-pajjiżi taż-ŻEE (il-pajjiżi tal-UE, in-Norveġja, l-Islanda u l-Liechtenstein) u fl-Isvizzera.

L-imsieħba fin-netwerk jinkludu servizzi pubbliċi tal-impjiegi, trejdunjins u organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem. In-netwerk huwa kkoordinat mill-Kummissjoni Ewropea.

X’INHU L-GĦAN TAL-EURES?

L-objettivi ewlenin tal-EURES huma li:

jgħarraf, jidderieġi u jipprovdi pariri lil ħaddiema potenzjalment mobbli dwar opportunitajiet ta’ xogħol, kif ukoll dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien fiż-ŻEE;

jassisti lil dawk li jħaddmu li jixtiequ jimpjegaw ħaddiema minn pajjiżi oħrajn;

jipprovdi pariri u assistenza lill-ħaddiema u lil dawk li jħaddmu f’reġjuni transkonfinali.

PUNTI EWLENIN

Titjib tas-suq tax-xogħol tal-UE

Għall-benefiċċju ta’ dawk li qegħdin ifittxu x-xogħol, tal-ħaddiema u ta’ dawk li jħaddmu, EURES jippromwovi:

l-iżvilupp ta’ suq tax-xogħol tal-Unjoni Ewropea (UE) miftuħ u aċċessibbli għal kulħadd;

il-kollokament fil-livell transnazzjonali, interreġjonali u transkonfinali permezz tal-iskambju ta’ postijiet tax-xogħol battala u applikazzjonijiet għax-xogħol;

skambju ta’ informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta’ xogħol, il-kisba ta’ ħiliet u dwar it-traineeships, l-apprendistati u, fejn xieraq, dwar il-kollokament ta’ trainees u apprendisti;

informazzjoni dwar il-mobilità tal-ħaddiema żgħażagħ.

Il-membri u l-imsieħba tal-EURES

Ir-riżorsi konġunti tal-organizzazzjonijiet membri u msieħba tal-EURES jipprovdu bażi soda sabiex jiġu offruti servizzi ta’ kwalità għolja kemm għall-ħaddiema kif ukoll għal dawk li jħaddmu.

Il-membri u l-imsieħba tal-EURES huma:

is-servizzi tal-impjiegi lokali u nazzjonali;

is-servizzi tal-impjiegi responsabbli għar-reġjuni transkonfinali;

servizzi tal-impjiegi speċjalizzati oħrajn innotifikati lill-Kummissjoni;

organizzazzjonijiet tal-imsieħba soċjali maħtura mill-membri;

organizzazzjonijiet oħrajn ta’ interessi soċjali u relatati.

Attivitajiet

il-ħolqien ta’ servizzi ta’ kollokament għal dawk li qegħdin ifittxu x-xogħol, it-tqabbil ta’ servizzi għall-ħaddiema u dawk li jħaddmu u servizzi ta’ appoġġ għal dawk li jħaddmu li jixtiequ jimpjegaw ħaddiema f’pajjiż ieħor tal-UE bl-għajnuna tas-servizzi tal-Internet tal-EURES;

id-diffużjoni ta’ informazzjoni aġġornata dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien u x-xejriet fis-suq tax-xogħol;

azzjonijiet ta’ kooperazzjoni bejn il-membri u l-imsieħba;

sorveljanza u evalwazzjoni tal-ostakoli għall-mobilità, inklużi differenzi fil-leġiżlazzjoni u fil-proċeduri amministrattivi.

Bil-għan li jinstabu opportunitajiet ta’ xogħol f’pajjiżi oħrajn tal-UE, teżisti database ta’ postijiet tax-xogħol battala tal-EURES, li tiġi aġġornata kuljum u li hija disponibbli fuq il-portal tal-EURES bil-26 lingwa tal-UE/taż-ŻEE.

Għal aktar tagħrif, ara l-Portal Ewropew dwar il-Mobilità fix-Xogħol - EURES.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Deċiżjoni 2003/8/KE

1.3.2003

-

ĠU L 5, 10.1.2003, p. 16-19

ATTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU L 141, 27.5.2011, p. 1-12)

2012/733/UE: Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Novembru 2012 li timplimenta r-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-approvazzjoni ta’ postijiet tax-xogħol battala u applikazzjonijiet għall-impjieg u l-istabbiliment mill-ġdid tal-EURES (ĠU L 328, 28.11.2012, p. 21-26)

l-aħħar aġġornament 31.08.2015