Id-deċiżjonijiet tal-Unjoni Ewropea

 

SOMMARJU TA’:

L-Artikolu 288 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) — deċiżjonijiet

L-Artikolu 297 tat-TFUE — atti leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi

X’INHU L-GĦAN TAL-ARTIKOLI?

L-Artikolu 288 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jiddefinixxi d-diversi tipi ta’ atti legali li l-Unjoni Ewropea (UE) tista’ tadotta, inklużi deċiżjonijiet.

L-Artikolu 297 tat-TFUE jistabbilixxi r-regoli dwar l-iffirmar, il-pubblikazzjoni u d-dħul fis-seħħ ta’ diversi tipi ta’ atti legali adottati mill-istituzzjonijiet tal-UE.

PUNTI EWLENIN

Biex jeżerċitaw il-kompetenza tal-Unjoni Ewropea (UE), l-istituzzjonijiet tal-UE jistgħu jadottaw tipi differenti ta’ atti legali. Deċiżjoni hija att legali li torbot fl-intier tagħha. Deċiżjoni li tispeċifika lil min hija indirizzata hija vinkolanti biss għalihom.

Deċiżjoni tifforma parti mil-liġi sekondarja tal-UE. Din tiġi adottata mill-istituzzjonijiet tal-UE skont it-trattati.

Att li jorbot fl-intier tiegħu

Skont l-Artikolu 288 TFUE, deċiżjoni torbot fl-intier tagħha. Deċiżjoni tista’ tkun att leġiżlattiv jew mhux leġiżlattiv.

Id-deċiżjonijiet huma atti leġiżlattivi meta jiġu adottati mill-:

Id-deċiżjonijiet huma atti mhux leġiżlattivi meta ma jiġux adottati skont il-proċedura leġiżlattiva. Dawn jistgħu jiġu adottati, pereżempju, mill-Kunsill Ewropew, il-Kunsill jew il-Kummissjoni Ewropea.

Deċiżjonijiet mhux leġiżlattivi jistgħu wkoll jieħdu l-forma ta’ atti delegati u ta’ implimentazzjoni.

Deċiżjoni b’destinatarju speċifiku

Deċiżjoni jista’ jkollha destinatarju wieħed jew iktar (Stat Membru tal-UE wieħed jew aktar, kumpanija jew individwu wieħed jew aktar). Pereżempju, meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li timponi multa fuq kumpanija minħabba li tkun abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq, hija tindirizza d-deċiżjoni tagħha lil dik il-kumpanija.

Deċiżjoni mhux leġiżlattiva li tispeċifika lil min hija indirizzata trid tiġi nnotifikata lill-parti kkonċernata, u trid tidħol fis-seħħ meta ssir tali notifika. Din in-notifika tista’ tikkonsisti f’ittra rreġistrata b’konferma tal-wasla.

Id-deċiżjonijiet indirizzati lil individwi jew lil kumpaniji speċifiċi għandhom effett dirett u għalhekk jistgħu jiġu invokati quddiem il-qrati nazzjonali mid-destinatarji.

Id-deċiżjonijiet indirizzati lil Stat Membru speċifiku jew lill-Istati Membri kollha bħala d-destinatarju/i jista’ jkollhom ukoll effett dirett. Dan jiddependi fuq in-natura, l-isfond u l-formulazzjoni tagħhom. Il-formulazzjoni għandha tkun ċara, mhux kondizzjonata u preċiża biżżejjed. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi biss effett dirett “vertikali” tad-deċiżjonijiet indirizzati lil Stat Membru wieħed jew aktar. Dan ifisser li l-individwi jistgħu jibbażaw fuq deċiżjoni biss kontra l-Istat Membru li lilu tkun indirizzata u mhux kontra individwu ieħor.

Deċiżjonijiet mingħajr destinatarju

Sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, deċiżjoni ma għadhiex neċessarjament tispeċifika lil min hija indirizzata. B’mod partikolari, l-Artikolu 288 TFUE jiċċara li deċiżjoni tista’ tispeċifika lil min hija indirizzata, filwaqt li l-predeċessur tagħha (Artikolu 249 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea) irrefera biss għal deċiżjoni li tispeċifika lil min tkun indirizzata.

Id-deċiżjonijiet mhux leġiżlattivi saru b’mod partikolari l-atti legali bażiċi fil-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK).

Għal dawn il-finijiet u fuq il-bażi tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill jadottaw deċiżjonijiet mhux leġiżlattivi (Artikolu 31(1) ta’ dan it-trattat).

Il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet u d-dħul fis-seħħ

L-Artikolu 297 tat-TFUE jirrikjedi li d-deċiżjonijiet leġiżlattivi jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Jidħlu fis-seħħ fid-data speċifikata fihom jew, jekk ma tkun speċifikata l-ebda data, fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħhom. L-istess regola tapplika għal deċiżjonijiet mhux leġiżlattivi li ma jispeċifikawx lil min huma indirizzati.

Deċiżjoni li tispeċifika lil min hija indirizzata tista’ tiġi ppubblikata wkoll fil-Ġurnal Uffiċjali. Madankollu, il-pubblikazzjoni ma teliminax il-ħtieġa ta’ notifika, li hija l-uniku mod biex jiġi żgurat li l-att jipproduċi effetti legali.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENTI EWLENIN

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — Is-Sitt Parti — Dispożizzjonijiet istituzzjonali u finanzjarji — Titolu I — Dispożizzjonijiet li jirregolaw l-istituzzjonijiet — Kapitolu 2 — Atti legali tal-Unjoni, proċeduri ta’ adozzjoni u dispożizzjonijiet oħrajn — Taqsima 1 — L-atti legali tal-Unjoni — Artikolu 288 (ex Artikolu 249 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 171–172)

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — Is-Sitt Parti — Dispożizzjonijiet istituzzjonali u finanzjarji — Titolu I — Dispożizzjonijiet li jirregolaw l-istituzzjonijiet — Kapitolu 2 — Atti legali tal-Unjoni, proċeduri ta’ adozzjoni u dispożizzjonijiet oħrajn — Sezzjoni 2 — Proċeduri għall-adozzjoni ta’ atti u dispożizzjonijiet oħrajn — Artikolu 297 (ex Artikolu 254 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 176)

l-aħħar aġġornament 26.07.2021