MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-ATT DELEGAT

L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni, jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE, għar-reviżjoni tal-livelli limitu. Dan l-Artikolu jipprovdi wkoll, f’każ ta’ restrizzjonijiet ta’ żmien, għall-użu tal-proċedura ta’ urġenza, f’konformità mal-Artikolu 49 ta’ dik id-Direttiva.

Skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2014/23/UE, il-kalkolu tal-livelli limitu jsir fuq il-bażi tal-valur medju ta’ kuljum tal-euro, fit-termini tad-Drittijiet Speċjali ta’ Prelevament, matul perjodu ta’ 24 xahar li jagħlaq fil-31 ta’ Awwissu qabel ir-reviżjoni, b’effett mill-1 ta’ Jannar. B’konsegwenza, il-kalkolu tal-livelli limitu ma jistax jibda qabel l-1 ta’ Settembru minħabba d-disponibbiltà tad-dejta. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 9(3) ta’ dik id-Direttiva, il-livelli limitu riveduti (f’EURO) u l-valuri korrispondenti tagħhom fil-valuti nazzjonali ta’ pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea (UE) għandhom jiġu ppubblikati mill-Kummissjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE fil-bidu ta’ Novembru.

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, u sabiex jintlaħqu l-iskadenzi ġuridiċi, il-Kummissjoni tirrikorri għall-proċedura ta’ urġenza għall-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament.

2.KONSULTAZZJONIJIET QABEL MA JIĠI ADOTTAT L-ATT

Il-Grupp ta’ Esperti dwar l-Akkwist Pubbliku ġie kkonsultat dwar dan ir-Regolament u dwar il-Komunikazzjoni li takkumpanjah.

3.ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-ATT DELEGAT

Il-kalkolu tal-livelli limitu tad-Direttivi dwar l-akkwist pubbliku huwa operazzjoni purament matematika u, għalhekk, ir-reviżjoni tal-livell limitu bħala tali hija sempliċiment eżerċizzju tekniku. Jeħtieġ li jsir kull sentejn skont it-termini tal-Ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-Akkwisti Pubbliċi (GPA). L-iskop tal-aġġustamenti hu li jsiru korrezzjonijiet għal kull ċaqliq fil-muniti bejn il-firmatarji li jista’ jolqot il-livell li fih is-swieq tal-akkwisti tagħhom ikunu miftuħa għall-kompetizzjoni minn kumpaniji f’pajjiżi firmatarji oħra.

Il-GPA għandu mekkaniżmu biex jiġi kkalkulat il-valur ekwivalenti għal-livelli limitu tiegħu, li jiġu ffissati f’SDRs, fil-muniti tal-partijiet kontraenti tiegħu kull sentejn. Dan il-mekkaniżmu jingħata effett legali permezz tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2014/23/UE.

Għal raġunijiet ta’ koerenza, huwa xieraq li jiġu allinjati wkoll dawk il-livelli limitu tad-Direttiva 2014/23/UE li mhumiex koperti mill-Ftehim.

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...

ta’ 18.12.2017

li jemenda d-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-livelli limitu ta’ applikazzjoni għall-proċeduri tal-għoti ta’ kuntratti

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni 1 , u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4) tagħha,

Billi:

(1)Permezz tad-Deċiżjoni 2014/115/UE 2 , il-Kunsill approva l-Protokoll li jemenda l-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi (“il-Ftehim”) 3 konkluż fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. Il-Ftehim huwa strument plurilaterali u għandu l-għan li jiftaħ is-swieq tal-akkwist pubbliku b’mod reċiproku fost il-partijiet kontraenti tiegħu. Huwa japplika għal kwalunkwe kuntratt ta’ akkwist pubbliku b’valur li jilħaq jew li jaqbeż l-ammonti (“il-livelli limitu”) stipulati fil-Ftehim u espressi bħala drittijiet speċjali ta’ prelevament.

(2)Wieħed mill-għanijiet tad-Direttiva 2014/23/UE huwa li l-entitajiet kontraenti u l-awtoritajiet kontraenti li japplikaw dik id-Direttiva jkunu jistgħu, fl-istess waqt, jikkonformaw mal-obbligi stabbiliti fil-Ftehim. Biex jinkiseb dan, jenħtieġ li l-livelli limitu stabbiliti f’dik id-Direttiva għall-kuntratti pubbliċi, li huma koperti wkoll mill-Ftehim, jiġu allinjati sabiex jiġi żgurat li jikkorrispondu mal-ekwivalenti f’euro, imqarrba għall-eqreb elf, tal-livelli limitu stipulati fil-Ftehim.

(3)Għal raġunijiet ta’ koerenza, huwa xieraq li jiġu allinjati wkoll il-livelli limitu fid-Direttiva 2014/23/UE, li mhumiex koperti mill-Ftehim.

(4)Għalhekk jenħtieġ li d-Direttiva 2014/23/UE tiġi emendata skont dan.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2014/23/UE, l-ammont “EUR 5 225 000” jinbidel b’“EUR 5 548 000”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2018.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 18.12.2017

   Għall-Kummissjoni

   Il-President
   Jean-Claude JUNCKER

(1)    ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1.
(2)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/115/UE tat-2 ta’ Diċembru 2013 dwar il-konklużjoni tal-Protokoll li jemenda l-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern, (ĠU L 68, 7.3.2014, p. 1).
(3)    ĠU L 68, 7.3.2014, p.4.