European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/299

17.1.2024

DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/299

tas-27 ta’ Ottubru 2023

li temenda d-Direttiva (UE) 2016/2284 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-metodoloġija għar-rappurtar tal-emissjonijiet projettati ta’ ċerti inkwinanti atmosferiċi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2016/2284 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2016 dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet nazzjonali ta’ ċerti inkwinanti atmosferiċi, li temenda d-Direttiva 2003/35/KE u li tħassar id-Direttiva 2001/81/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(7) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva (UE) 2016/2284 jirrikjedi li l-Istati Membri jħejju u jaġġornaw kull sentejn il-projezzjonijiet nazzjonali tal-emissjonijiet għall-inkwinanti stabbiliti fl-Anness I, it-Tabella C ta’ dik id-Direttiva, f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f’dik id-Direttiva.

(2)

L-Artikolu 8(5) tad-Direttiva (UE) 2016/2284 jipprevedi li l-projezzjonijiet nazzjonali tal-emissjonijiet jenħtieġ li jitħejjew u jiġu aġġornati f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness IV ta’ dik id-Direttiva u, li jridu jiġu stmati u aggregati fir-rigward tas-setturi tas-sorsi rilevanti.

(3)

Il-projezzjonijiet tal-emissjonijiet jenħtieġ li jiġu rrappurtati lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent f’konformità mal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva (UE) 2016/2284. Dan ir-rappurtar għandu jkun konsistenti mar-regoli għar-rappurtar previsti fil-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-tniġġis transkonfini tal-arja fuq distanza twila tal-1979 (2) (il-Konvenzjoni LRTAP).

(4)

Ir-rekwiżiti tar-rappurtar skont il-Konvenzjoni LRTAP huma stabbiliti mil-linji gwida għar-rappurtar tad-data dwar l-emissjonijiet u l-projezzjonijiet skont il-Konvenzjoni dwar it-tniġġis transkonfini tal-arja fuq distanza twila (linji gwida għar-rappurtar). L-organu eżekuttiv tal-Konvenzjoni rreveda dawk il-linji gwida għar-rappurtar fit-42 sessjoni tiegħu f’Diċembru 2022 (3) u mmodifika r-rekwiżiti għar-rappurtar tal-projezzjonijiet tal-emissjonijiet. Skont il-paragrafu 27, il-paragrafu 41(b) u l-paragrafu 46 tal-linji gwida għar-rappurtar riveduti, l-emissjonijiet projettati jenħtieġ li jiġu rrappurtati bl-użu tal-mudell stabbilit fl-Anness IV ta’ dawk il-linji gwida għar-rappurtar. Dik il-formola tikkorrispondi għall-istruttura tal-mudell għar-rappurtar tal-inventarji tal-emissjonijiet, li jfisser li l-projezzjonijiet tal-emissjonijiet jenħtieġ li jiġu rrappurtati skont il-kategoriji tas-sorsi tan-nomenklatura individwali għar-rappurtar (NFR) kif previst fil-Konvenzjoni LRTAP.

(5)

Mir-reviżjoni tal-2022 tal-linji gwida għar-rappurtar ’l hawn, il-livell ta’ aggregazzjoni tal-projezzjonijiet tal-emissjonijiet meħtieġa skont id-Direttiva (UE) 2016/2284 ma għadux konformi mar-rekwiżiti tar-rappurtar stabbiliti fil-Konvenzjoni LRTAP. Il-mudell stabbilit fl-Anness IV tal-linji gwida għar-rappurtar riveduti jeħtieġ livell ogħla ta’ dettall, li jikkorrispondi għal-livell tar-rappurtar tal-inventarji tal-emissjonijiet meħtieġ mill-Anness I tal-linji gwida għar-rappurtar riveduti u mill-Artikolu 8(1) tad-Direttiva (UE) 2016/2284. Biex jittejbu l-komparabbiltà u l-konsistenza, jixraq li r-rappurtar tal-projezzjonijiet tal-emissjonijiet stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2016/2284 jiġi aġġustat għar-rappurtar tal-inventarji tal-emissjonijiet meħtieġ skont id-Direttiva (UE) 2016/2284.

(6)

Għaldaqstant, l-Annessi I u IV tad-Direttiva (UE) 2016/2284 jenħtieġ li jiġu emendati skont dan,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Annessi I u IV tad-Direttiva (UE) 2016/2284 huma emendati f’konformità mal-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   Biex ikun hemm konformità ma’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sal-31 ta’ Diċembru 2024. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza meta jiġu ppubblikati b’mod uffiċjali. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir din ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Ottubru 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 344, 17.12.2016, p. 1.

(2)  Konvenzjoni dwar it-tniġġis transkonfini tal-arja fuq distanza twila (ĠU L 171, 27.6.1981, p. 13).

(3)  Linji gwida għar-rappurtar tad-data dwar l-emissjonijiet u l-projezzjonijiet skont il-Konvenzjoni dwar it-tniġġis tal-arja transkonfini fuq distanza twila tal-organu eżekuttiv għall-Konvenzjoni dwar it-tniġġis tal-arja transkonfini fuq distanza twila (ECE/EB.AIR/125, Deċiżjonijiet tal-organu eżekuttiv tal-2013/3 u tal-2013/4), kif emendati fit-42 sessjoni tiegħu f’Diċembru 2022.


ANNESS

L-Annessi I u IV tad-Direttiva (UE) 2016/2284 huma emendati kif ġej:

(1)

Fl-Anness I, it-Tabella C hija sostitwita b’din li ġejja:

“Tabella C

Rekwiżiti tar-rappurtar għall-emissjonijiet u l-projezzjonijiet kif imsemmi fl-Artikolu 8(2)

Element

Inkwinanti

Serje kronoloġika/snin fil-mira

Dati tar-rappurtar

Data nazzjonali dwar l-emissjonijiet imqassma fi grilji skont il-kategorija tas-sorsi

SO2, NOx, NMVOC, CO, NH3, PM10, PM2,5

metalli tqal (Cd, Hg, Pb)

POP (total ta’ PAH, HCB, PCB, diossini/furani)

BC (jekk disponibbli)

Kull 4 snin għas-sena tar-rappurtar nieqes 2 (X–2)

mill-2017

L-1 ta’ Mejju (1)

Sorsi lokalizzati kbar skont il-kategorija tas-sorsi

SO2, NOx, NMVOC, CO, NH3, PM10, PM2,5

metalli tqal (Cd, Hg, Pb)

POP (total ta’ PAH, HCB, PCB, diossini/furani)

BC (jekk disponibbli)

Kull 4 snin għas-sena tar-rappurtar nieqes 2 (X–2)

mill-2017

L-1 ta’ Mejju (1)

Emissjonijiet projettati skont il-kategorija tas-sorsi tal-NFR

SO2, NOx, NH3, NMVOC, PM2,5 u, jekk disponibbli, BC

Kull sentejn, li jkopru s-snin ta’ projezzjoni 2020, 2025, 2030 u, fejn disponibbli, 2040 u 2050

mill-2017

Il-15 ta’ Marzu

(2)

Fl-Anness IV, il-Parti 2 (“Projezzjonijiet nazzjonali tal-emissjonijiet”), il-punt 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.

Il-projezzjonijiet tal-emissjonijiet għandhom jiġu stmati u aggregati skont il-kategorija tas-sorsi tal-NFR. Meta dan ma jkunx possibbli minħabba nuqqas ta’ data dettaljata, fir-rapport tal-inventarju informattiv għandha tkun inkluża ġustifikazzjoni għar-rappurtar f’livell aktar aggregat. L-Istati Membri għandhom jipprovdu projezzjoni “b’miżuri” (miżuri adottati) u, meta jkun rilevanti, projezzjoni “b’miżuri addizzjonali” (miżuri ppjanati) għal kull inkwinant f’konformità mal-gwida stabbilita fil-Gwida tal-EMEP/EEA.”.

(1)  Sottomissjonijiet mill-ġdid minħabba żbalji għandhom jiġu pprovduti fi żmien 4 ġimgħat u jkunu jinkludu spjegazzjoni ċara dwar il-bidliet li jkunu saru.”


ELI: http://data.europa.eu/eli/dir_del/2024/299/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)