ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 158

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 62
14 ta' Ġunju 2019


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament (UE) 2019/941 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2019 dwar it-tħejjija għar-riskji fis-settur tal-elettriku u li jħassar id-Direttiva 2005/89/KE ( 1 )

1

 

*

Regolament (UE) 2019/942 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2019 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija ( 1 )

22

 

*

Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku ( 1 )

54

 

 

DIRETTIVI

 

*

Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE ( 1 )

125

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

REGOLAMENTI

14.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 158/1


REGOLAMENT (UE) 2019/941 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-5 ta' Ġunju 2019

dwar it-tħejjija għar-riskji fis-settur tal-elettriku u li jħassar id-Direttiva 2005/89/KE

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 194(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Is-settur tal-elettriku fl-Unjoni għaddej minn trasformazzjoni profonda, ikkaratterizzata minn swieq aktar deċentralizzati b'aktar atturi, sehem ogħla ta' enerġija minn sorsi rinnovabbli u sistemi interkonnessi aħjar. Bi tweġiba, ir-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u d-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) għandhom l-għan li jtejbu l-qafas legali li jirregola s-suq intern tal-Unjoni tal-elettriku, sabiex jiżguraw li s-swieq u n-netwerks jaħdmu b'mod ottimali, għall-benefiċċju tan-negozji u taċ-ċittadini tal-Unjoni. L-għan ta' dan ir-Regolament huwa li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-objettivi tal-Unjoni tal-Enerġija, li minnhom is-sigurtà tal-enerġija, is-solidarjetà, il-fiduċja u politika ambizzjuża dwar it-tibdil fil-klima huma parti integrali.

(2)

Swieq u sistemi li jaħdmu sew, b'interkonnessjonijiet tal-elettriku adegwati, huma l-aħjar garanzija ta' sigurtà tal-provvista tal-elettriku. Madankollu, anki fejn is-swieq u s-sistemi jkunu jaħdmu sew u jkunu interkonnessi, ir-riskju ta' kriżi tal-elettriku, bħala riżultat ta' diżastri naturali, bħal kondizzjonijiet ta' temp estrem, attakki malizzjużi jew nuqqas ta' fjuwil qatt ma jista' jiġi eskluż. Il-konsegwenzi ta' kriżijiet tal-elettriku spiss jinfirxu lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. Anki fejn tali kriżijiet jibdew f'livell lokali, l-effett tagħhom malajr jistgħu jinfirxu lil hinn mill-fruntieri. Ċerti ċirkustanzi estremi, bħal perjodi ta' kesħa, mewġat ta' sħana jew ċiberattakki, jistgħu jaffettwaw lil reġjuni sħaħ fl-istess ħin.

(3)

F'kuntest ta' swieq u ta' sistemi tal-elettriku interkonnessi, il-prevenzjoni u l-ġestjoni ta' kriżijiet tal-elettriku ma jistgħux jitqiesu bħala li huma kompitu purament nazzjonali. Il-potenzjal ta' miżuri aktar effiċjenti u b'inqas spejjeż permezz ta' kooperazzjoni reġjonali jenħtieġ li jiġi sfruttat iżjed. Jenħtieġu qafas komuni ta' regoli u proċeduri kkoordinati aħjar sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri u atturi oħrajn jkunu jistgħu jikkooperaw b'mod effettiv b'mod transfruntier fi spirtu ta' aktar trasparenza, fiduċja u solidarjetà bejn l-Istati Membri.

(4)

Id-Direttiva 2005/89/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) stabbilixxiet il-miżuri neċessarji li l-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu sabiex jiżguraw is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku b'mod ġenerali. Id-dispożizzjonijiet ta' dik id-Direttiva fil-parti l-kbira ġew sostitwiti minn atti leġislattivi sussegwenti, b'mod partikolari rigward kif is-swieq tal-elettriku jenħtieġ li jiġu organizzati sabiex jiġi żgurat li jkun hemm biżżejjed kapaċità disponibbli, kif l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni jenħtieġ li jikkooperaw għall-garanzija ta' stabbiltà tas-sistema, u rigward kif jiġi żgurat l-istabbiliment ta' infrastruttura xierqa. Dan ir-Regolament jindirizza l-kwistjoni speċifika tal-prevenzjoni u tal-ġestjoni tal-kriżijiet tal-elettriku.

(5)

Ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) 2017/1485 (7) u (UE) 2017/2196 (8) jikkostitwixxu ġabra ddettaljata ta' regoli li tirregola kif l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni u l-partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn jenħtieġ li jaġixxu u jikkooperaw sabiex jiżguraw is-sigurtà tas-sistema. Dawk ir-regoli tekniċi jenħtieġ li jiżguraw li ħafna mill-inċidenti relatati mal-elettriku jiġu indirizzati b'mod effettiv f'livell operazzjonali. Dan ir-Regolament jiffoka fuq kriżijiet tal-elettriku ta' skala u impatt akbar. Jistabbilixxi x'jenħtieġ li jagħmlu l-Istati Membri sabiex jevitaw tali kriżijiet u x'miżuri jistgħu jieħdu jekk ir-regoli operazzjonali tas-sistema ma jkunux biżżejjed. Anki fi kriżijiet tal-elettriku, ir-regoli operazzjonali tas-sistema jenħtieġ li jkomplu jiġu rrispettati bis-sħiħ u dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun konsistenti mar-Regolament (UE) Nru 2017/2196.

(6)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas komuni ta' regoli dwar kif isiru l-prevenzjoni ta', it-tħejjija għal, u l-ġestjoni ta' kriżijiet tal-elettriku, sabiex b'hekk tinkiseb aktar trasparenza fil-fażi ta' tħejjija u matul kriżi tal-elettriku u jiġi żgurat li jittieħdu miżuri b'mod ikkoordinat u effikaċi. Huwa jobbliga lill-Istati Membri jikkooperaw f'livell reġjonali u, fejn applikabbli, b'mod bilaterali, fi spirtu ta' solidarjetà. Huwa jistabbilixxi wkoll qafas għall-monitoraġġ effettiv tas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku fl-Unjoni permezz tal-Grupp ta' Koordinazzjoni tal-Elettriku (ECG), li ġie stabbilit permezz ta' Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Novembru 2012 (9) bħala forum li fih tiġi skambjata l-informazzjoni u titrawwem il-kooperazzjoni fost l-Istati Membri, b'mod partikolari fil-qasam tas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku. Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri kif ukoll il-qafas ta' monitoraġġ huma maħsuba biex tinkiseb tħejjija aħjar għar-riskji b'inqas spejjeż. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jsaħħaħ ukoll is-suq intern tal-elettriku billi jsaħħaħ il-fiduċja u l-kunfidenza bejn l-Istati Membri u jelimina interventi żejda mill-Istat fi kriżijiet tal-elettriku, u b'mod partikolari jevita tnaqqis indebitu tal-flussi transfruntiera u tal-kapaċitajiet ta' trażmissjoni transżonali, b'tali mod li jitnaqqas ir-riskju ta' effetti kollaterali negattivi fuq l-Istati Membri ġirien.

(7)

Id-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) tistabbilixxi regoli ġenerali dwar is-sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni, filwaqt li ser jiġu żviluppati regoli speċifiċi dwar iċ-ċibersigurtà permezz ta' kodiċi tan-netwerk kif previst fir-Regolament (UE) 2019/943. Dan ir-Regolament jikkomplementa d-Direttiva (EU) 2016/1148 billi jiżgura li ċ-ċiberinċidenti jiġu identifikati kif xieraq bħala riskju, u li l-miżuri meħuda sabiex jiġu indirizzati jkunu riflessi kif xieraq fil-pjanijiet ta' tħejjija għar-riskji.

(8)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE (11) tistabbilixxi proċess bl-għan li jtejjeb is-sigurtà ta' infrastruttura kritika Ewropea speċifikata, inkluża ċerta infrastruttura tal-elettriku. Id-Direttiva 2008/114/KE, flimkien ma' dan ir-Regolament, tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' approċċ komprensiv għas-sigurtà tal-enerġija tal-Unjoni.

(9)

Id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) tistabbilixxi r-rekwiżiti għall-Istati Membri sabiex jiżviluppaw valutazzjonijiet tar-riskju fil-livell nazzjonali jew fil-livell subnazzjonali xieraq kull tliet snin, u sabiex jiżviluppaw u jirfinaw l-ippjanar tagħhom tal-ġestjoni tar-riskju ta' diżastri fil-livell nazzjonali jew fil-livell subnazzjonali xieraq. L-azzjonijiet speċifiċi ta' prevenzjoni, ta' tħejjija u ta' ppjanar għar-riskju msemmija f'dan ir-Regolament jenħtieġ li jkunu konsistenti mal-valutazzjonijiet nazzjonali usa' tar-riskju ta' diversi perikli meħtieġa taħt id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE.

(10)

L-Istati Membri huma responsabbli li jiżguraw is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku fit-territorji tagħhom, filwaqt li s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku hija wkoll responsabbiltà kondiviża fost il-Kummissjoni u atturi oħrajn tal-Unjoni, fi ħdan is-setturi rispettivi tagħhom ta' attività u kompetenza. Is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku tirrikjedi kooperazzjoni effettiva fost l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Istati Membri, u l-partijiet ikkonċernati rilevanti. L-operaturi tas-sistemi ta' distribuzzjoni u l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni għandhom rwol ewlieni fl-iżgurar ta' sistema tal-elettriku sigura, affidabbli u effiċjenti skont l-Artikoli 31 u 40 tad-Direttiva (UE) 2019/944. L-awtoritajiet regolatorji u awtoritajiet nazzjonali rilevanti oħra għandhom ukoll rwol importanti fl-iżgurar u s-sorveljanza tas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku, bħala parti mill-kompiti tagħhom attribwiti mill-Artikolu 59 tad-Direttiva (UE) 2019/944. L-Istati Membri jenħtieġ li jinnominaw entità eżistenti jew entità ġdida bħala l-awtorità nazzjonali governattiva jew regolatorja kompetenti unika tagħhom bil-għan li tiżgura l-parteċipazzjoni trasparenti u inklużiva tal-atturi kollha involuti, it-tħejjija effiċjenti u l-implimentazzjoni korretta tal-pjanijiet ta' tħejjija għar-riskji, kif ukoll tiffaċilita l-prevenzjoni u l-evalwazzjoni ex post tal-kriżijiet tal-elettriku u l-iskambji ta' informazzjoni fir-rigward tagħhom.

(11)

Approċċ komuni għall-prevenzjoni u l-ġestjoni ta' kriżijiet tal-elettriku jirrikjedi fehim komuni, bejn l-Istati Membri, dwar x'tikkostitwixxi kriżi tal-elettriku. B'mod partikolari jenħtieġ li dan ir-Regolament jiffaċilita l-koordinazzjoni fost l-Istati Membri għall-fini tal-identifikazzjoni ta' sitwazzjoni fejn jeżisti jew ikun imminenti r-riskju potenzjali ta' qtugħ tal-elettriku sinifikanti jew l-impossibbiltà li jiġi pprovdut l-elettriku lill-konsumaturi. In-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistemi ta' Trażmissjoni tal-Elettriku (“ENTSO għall-Elettriku”) u l-Istati Membri jenħtieġ li, rispettivament, jiddeterminaw xenarji konkreti ta' kriżi tal-elettriku fil-livell reġjonali u nazzjonali. Dak l-approċċ jenħtieġ li jiżgura li l-kriżijiet rilevanti kollha tal-elettriku jkunu koperti, filwaqt li jqis l-ispeċifitajiet reġjonali u nazzjonali bħat-topoloġija tal-grilja, it-taħlita tal-elettriku, id-daqs tal-produzzjoni u l-konsum u l-livell tad-densità tal-popolazzjoni.

(12)

Approċċ komuni għall-prevenzjoni u l-ġestjoni ta' kriżijiet tal-elettriku jeħtieġ ukoll li l-Istati Membri jużaw l-istess metodi u definizzjonijiet sabiex jidentifikaw riskji relatati mas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku u jkunu effettivament f'pożizzjoni li jqabblu kemm huma u l-ġirien tagħhom sejrin tajjeb f'dak il-qasam. Dan ir-Regolament jidentifika żewġ indikaturi għas-sorveljanza tas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku fl-Unjoni: “enerġija mistennija mhux servita”, espressa f'GWh/sena, u “telf bit-tagħbija mistenni”, espress f'sigħat kull sena. Dawk l-indikaturi huma parti mill-valutazzjoni Ewropea tal-adegwatezza tar-riżorsi mwettqa mill-ENTSO għall-Elettriku, skont l-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2019/943. L-ECG jenħtieġ li jwettaq monitoraġġ regolari tas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku fuq il-bażi tar-riżultati ta' dawk l-indikaturi. L-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) tenħtieġ li tuża dawk l-indikaturi anki meta tirrapporta dwar il-prestazzjoni tal-Istati Membri fil-qasam tas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku fir-rapporti annwali tagħha ta' monitoraġġ tas-suq tal-elettriku, skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2019/942 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13).

(13)

Sabiex tiġi żgurata l-koerenza tal-valutazzjonijiet tar-riskju b'mod li tinbena l-fiduċja bejn l-Istati Membri fi kriżi tal-elettriku, hemm bżonn ta' approċċ komuni għall-identifikazzjoni tax-xenarji ta' riskju. Għaldaqstant, l-ENTSO għall-Elettriku, wara konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, jenħtieġ li jiżviluppa u jaġġorna metodoloġija komuni għall-identifikazzjoni tar-riskju f'kooperazzjoni mal-ACER, u mal-ECG, fil-formazzjoni tagħha, magħmula biss minn rappreżentanti tal-Istati Membri. Jenħtieġ li l-ENTSO għall-Elettriku jipproponi l-metodoloġija u jenħtieġ li l-ACER tapprovaha. L-ACER, meta tikkonsulta lill-ECG, tenħtieġ li tqis bis-sħiħ il-fehmiet tal-ECG. Jenħtieġ li l-ENTSO għall-Elettriku jaġġorna l-metodoloġija komuni għall-identifikazzjoni tar-riskju meta ssir disponibbli informazzjoni ġdida sinifikanti.

(14)

Fuq il-bażi tal-metodoloġija komuni għall-identifikazzjoni tar-riskju, l-ENTSO għall-Elettriku jenħtieġ li jfassal u jaġġorna b'mod regolari xenarji ta' kriżi tal-elettriku reġjonali u jidentifika l-aktar riskji rilevanti għal kull reġjun bħal kondizzjonijiet ta' temp estrem, diżastri naturali, nuqqas ta' fjuwil jew attakki malizzjużi. Meta jiġi kkunsidrat ix-xenarju ta' kriżi ta' nuqqas ta' fjuwil tal-gass, jenħtieġ li jiġi vvalutat ir-riskju ta' interruzzjoni tal-provvista tal-gass fuq il-bażi tax-xenarji ta' interruzzjoni tal-provvista u tal-infrastruttura tal-gass żviluppati min-Netwerk Ewropew tal-Operaturi tas-Sistemi ta' Trażmissjoni tal-Gass (ENTSOG) skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14). L-ENTSO għall-Elettriku jenħtieġ li jkun jista' jiddelega kompiti relatati mal-identifikazzjoni tax-xenarji ta' kriżi tal-elettriku reġjonali liċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali stabbiliti skont l-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2019/943. Dawk il-kompiti delegati jenħtieġ li jsiru taħt is-superviżjoni tal-ENTSO għall-Elettriku. L-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu u jaġġornaw ix-xenarji ta' kriżi tal-elettriku nazzjonali tagħhom fuq il-bażi ta' xenarji ta' kriżi tal-elettriku reġjonali fil-prinċipju kull erba' snin. Dawk ix-xenarji jenħtieġ li jipprovdu l-bażi għall-pjanijiet ta' tħejjija għar-riskji. Meta jidentifikaw ir-riskji fil-livell nazzjonali, l-Istati Membri jenħtieġ li jiddeskrivu wkoll kwalunkwe riskju li jidentifikaw b'rabta mas-sjieda tal-infrastruttura rilevanti għas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku u kwalunkwe miżura meħuda biex jiġu indirizzati dawk ir-riskji bħal liġijiet ġenerali jew speċifiċi għas-settur dwar l-analiżi ta' investimenti, drittijiet speċjali għal ċerti azzjonisti, b'indikazzjoni għaliex iqisu li tali miżuri bħala neċessarji u proporzjonati.

(15)

Approċċ ġenerali għall-identifikazzjoni tax-xenarji ta' riskju u għall-iżvilupp ta' miżuri ta' prevenzjoni, tħejjija u mitigazzjoni jenħtieġ li jġib miegħu benefiċċji sinifikanti f'termini tal-effikaċja ta' dawk il-miżuri u tal-użu ottimali tar-riżorsi. Barra minn hekk, fi kriżi tal-elettriku simultanja, approċċ ikkoordinat u miftiehem minn qabel jiżgura rispons konsistenti u jnaqqas ir-riskju ta' tixrid ta' effetti negattivi li jista' jkollhom miżuri purament nazzjonali fi Stati Membri ġirien. Għaldaqstant, dan ir-Regolament jeħtieġ li l-Istati Membri jikkooperaw f'kuntest reġjonali.

(16)

Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali jenħtieġ li jwettqu l-kompiti ta' rilevanza reġjonali assenjati lilhom skont ir-Regolament (UE) 2019/943. Sabiex jiġi żgurat li jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom b'mod effettiv u jaġixxu f'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti bl-għan li jiġu evitati u mmitigati inċidenti tal-elettriku fuq skala akbar, il-kooperazzjoni reġjonali meħtieġa taħt dan ir-Regolament tenħtieġ li tibni fuq l-istrutturi ta' kooperazzjoni reġjonali użati f'livell tekniku, jiġifieri l-gruppi ta' Stati Membri li jaqsmu l-istess ċentru ta' kooperazzjoni reġjonali. Ir-reġjuni ġeografiċi taċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali huma għalhekk rilevanti għall-identifikazzjoni tax-xenarji ta' kriżi tal-elettriku reġjonali u l-valutazzjonijiet tar-riskju. Madankollu, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li jiffurmaw sottogruppi fi ħdan ir-reġjuni għall-fini ta' kooperazzjoni fir-rigward tal-miżuri reġjonali konkreti, billi l-kapaċità teknika li tingħata assistenza reċiproka lil xulxin fi kriżi tal-elettriku hija essenzjali. Tali sottogruppi jistgħu jkunu bbażati fuq forums ta' kooperazzjoni reġjonali eżistenti. Dan peress li mhux l-Istati Membri kollha f'reġjun akbar neċessarjament se jkunu jistgħu jipprovdu l-elettriku lil Stat Membru ieħor fi kriżi tal-elettriku. Għalhekk, mhuwiex neċessarju li l-Istati Membri kollha f'reġjun jikkonkludu ftehimiet reġjonali dwar miżuri reġjonali konkreti. Minflok, l-Istati Membri li jkollhom il-kapaċità teknika li jipprovdu assistenza lil xulxin jenħtieġ li jikkonkludu tali ftehimiet.

(17)

Ir-Regolament (UE) 2019/943 jipprevedi l-użu ta' metodoloġija komuni għall-valutazzjoni Ewropea tal-adegwatezza tar-riżorsi fit-terminu medju sa fit-tul (minn 10 snin bil-quddiem sa sena bil-quddiem), bl-għan li jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet tal-Istati Membri rigward il-ħtiġijiet ta' investiment possibbli jsiru fuq bażi trasparenti u maqbula b'mod komuni. Il-valutazzjoni Ewropea tal-adegwatezza tar-riżorsi għandha skop differenti mill-valutazzjonijiet tal-adegwatezza għal terminu qasir li jintużaw għall-identifikazzjoni ta' problemi possibbli relatati mal-adegwatezza f'perjodi qosra, jiġifieri valutazzjoni tal-adegwatezza staġjonali (sitt xhur minn qabel) u valutazzjonijiet tal-adegwatezza ta' ġimgħa bil-quddiem sa mill-inqas ġurnata qabel. Rigward il-valutazzjonijiet għal terminu qasir, hemm bżonn ta' approċċ komuni għall-mod kif jiġu identifikati l-problemi possibbli relatati mal-adegwatezza. L-ENTSO għall-Elettriku jenħtieġ li jwettaq valutazzjoni tal-adegwatezza għax-xitwa u għas-sajf sabiex iwissi lill-Istati Membri u lil operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni dwar riskji relatati mas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku li jistgħu jinqalgħu fis-sitt xhur li jmiss. Biex jittejbu dawk il-valutazzjonijiet tal-adegwatezza, jenħtieġ li l-ENTSO għall-Elettriku jiżviluppa metodoloġija probabilistika komuni għalihom, wara konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti u f'kooperazzjoni mal-ACER, u mal-ECG, fil-formazzjoni tagħha magħmula biss minn rappreżentanti tal-Istati Membri. Jenħtieġ li l-ENTSO għall-Elettriku jipproponi dik il-metodoloġija u aġġornamenti tagħha lill-ACER, u jenħtieġ li l-ACER tapprova l-proposta u l-aġġornamenti. Meta tikkonsulta l-ECG, jenħtieġ li l-ACER tqis sew il-fehmiet espressi mill-ECG. Jenħtieġ li l-ENTSO għall-Elettriku jaġġorna l-metodoloġija komuni meta tkun disponibbli informazzjoni ġdida sinifikanti. Jenħtieġ li l-ENTSO għall-Elettriku jkun kapaċi jiddelega kompiti relatati mal-valutazzjonijiet tal-adegwatezza staġjonali liċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali, filwaqt li jenħtieġ li l-kompiti delegati jitwettqu taħt is-superviżjoni tal-ENTSO għall-Elettriku.

(18)

L-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni jenħtieġ li japplikaw il-metodoloġija użata għat-tħejjija ta' valutazzjonijiet tal-adegwatezza staġjonali meta jwettqu kwalunkwe tip ieħor ta' valutazzjoni tar-riskju għal terminu qasir, jiġifieri l-previżjonijiet tal-adegwatezza tal-provvista ġenerata ta' ġimgħa bil-quddiem sa mill-inqas ġurnata qabel ipprovduti fir-Regolament (UE) 2017/1485.

(19)

Sabiex jiġi żgurat approċċ komuni għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kriżijiet tal-elettriku, l-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru tenħtieġ li tfassal pjan ta' tħejjija għar-riskji abbażi tax-xenarji ta' kriżi tal-elettriku fil-livell reġjonali u nazzjonali. L-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jikkonsultaw lill-partijiet ikkonċernati jew lir-rappreżentanti tal-gruppi tal-partijiet ikkonċernati, bħar-rappreżentanti ta' produtturi jew tal-korpi tal-kummerċ tagħhom jew ta' operaturi tas-sistemi ta' distribuzzjoni, fejn dawn ikunu rilevanti għall-prevenzjoni u t-trattament ta' kriżi tal-elettriku. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jiddeċiedu dwar l-arranġamenti xierqa għat-twettiq tal-konsultazzjoni. Il-pjanijiet ta' tħejjija għar-riskji jenħtieġ li jiddeskrivu miżuri effettivi, proporzjonati u mhux diskriminatorji li jindirizzaw ix-xenarji kollha tal-kriżi tal-elettriku identifikati. Jenħtieġ li jitqies l-impatt ambjentali tal-miżuri proposti mil-lat ta' provvista u mil-lat ta' domanda. Il-pjanijiet jenħtieġ li jipprovdu trasparenza speċjalment fir-rigward tal-kondizzjonijiet li fihom jistgħu jittieħdu miżuri mhux ibbażati fuq is-suq sabiex jiġu mitigati sitwazzjonijiet ta' kriżi tal-elettriku. Il-miżuri previsti kollha mhux ibbażati fuq is-suq jenħtieġ li jikkonformaw mar-regoli stabbiliti f'dan ir-Regolament. Il-pjanijiet ta' tħejjija għar-riskji jenħtieġ li jiġu ppubblikati, filwaqt li tiġi żgurata l-kunfidenzjalità ta' informazzjoni sensittiva.

(20)

Il-pjanijiet ta' tħejjija għar-riskji jenħtieġ li jistabbilixxu miżuri nazzjonali, reġjonali u, fejn applikabbli, bilaterali. Il-miżuri reġjonali u, fejn applikabbli, il-miżuri bilaterali, huma neċessarji speċjalment f'każ ta' kriżi tal-elettriku simultanja, meta jkun meħtieġ approċċ ikkoordinat u miftiehem minn qabel biex jiżgura rispons konsistenti u jnaqqas ir-riskji ta' effetti ulterjuri negattivi. Għal dak il-għan, qabel ma jadottaw il-pjanijiet ta' tħejjija għar-riskji, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jikkonsultaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri rilevanti. L-Istati Membri rilevanti huma dawk fejn jista' jkun hemm effetti ulterjuri negattivi jew impatti oħra fuq is-sistema tal-elettriku ta' xulxin, kemm jekk dawk l-Istati Membri jkunu fl-istess reġjun kif ukoll jekk ikunu direttament konnessi. Il-pjanijiet jenħtieġ li iqisu ċ-ċirkostanzi nazzjonali rilevanti inkluża s-sitwazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi fis-sens tal-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u ta' xi sistemi mikroiżolati li ma jkunux konnessi mas-sistemi ta' trażmissjoni nazzjonali. F'dak ir-rigward, l-Istati Membri jenħtieġ li jaslu għall-konklużjonijiet xierqa fir-rigward, fost l-oħrajn, tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament dwar l-identifikazzjoni ta' xenarji ta' kriżi tal-elettriku fil-livell reġjonali u l-miżuri reġjonali u bilaterali stabbiliti fil-pjanijiet ta' tħejjija għar-riskji kif ukoll fir-rigward ta' dispożizzjonijiet dwar assistenza. Il-pjanijiet jenħtieġ li jistabbilixxu biċ-ċar ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet kompetenti. Il-miżuri nazzjonali jenħtieġ li jqisu bis-sħiħ il-miżuri reġjonali u bilaterali stabbiliti u jenħtieġ li jisfruttaw bis-sħiħ l-opportunitajiet ipprovduti mill-kooperazzjoni reġjonali. Il-pjanijiet jenħtieġ li jkunu ta' natura teknika u operattiva, bil-funzjoni tagħhom li tkun li jgħinu fil-prevenzjoni tal-preżenza jew tal-eskalazzjoni ta' kriżi tal-elettriku kif ukoll sabiex itaffu l-effetti tagħha.

(21)

Il-pjanijiet ta' tħejjija għar-riskji jenħtieġ li jiġu aġġornati b'mod regolari. Sabiex jiżguraw li l-pjanijiet dejjem ikunu aġġornati u effettivi, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ta' kull reġjun jenħtieġ li jorganizzaw simulazzjonijiet kull sentejn ta' kriżi tal-elettriku f'kooperazzjoni mal-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni u partijiet ikkonċernati oħra sabiex jittestjaw l-adegwatezza tagħhom.

(22)

Il-mudell previst f'dan ir-Regolament huwa maħsub biex jiffaċilita t-tħejjija tal-pjanijiet, b'mod li jippermetti l-inklużjoni ta' informazzjoni addizzjonali speċifika dwar l-Istat Membru. Il-mudell huwa maħsub ukoll biex jiffaċilita l-konsultazzjoni ma' Stati Membri oħrajn fir-reġjun ikkonċernat u mal-ECG. Il-konsultazzjoni fir-reġjun u fl-ECG tenħtieġ li tiżgura li l-miżuri meħudin fi Stat Membru jew f'reġjun wieħed ma jixħtux f'riskju s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku ta' Stati Membri jew ta' reġjuni oħrajn.

(23)

Huwa importanti li jiġu ffaċilitati l-komunikazzjoni u t-trasparenza bejn l-Istati Membri, meta jkollhom informazzjoni konkreta, serja u affidabbli li tista' sseħħ kriżi tal-elettriku. F'ċirkustanzi bħal dawn, l-Istati Membri kkonċernati jenħtieġ li jinformaw lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri ġirien u lill-ECG mingħajr dewmien indebitu, filwaqt li jipprovdu, b'mod partikolari, informazzjoni dwar il-kawżi tad-deterjorament tas-sitwazzjoni tal-provvista tal-elettriku, il-miżuri ppjanati għall-prevenzjoni ta' kriżi tal-elettriku u l-ħtieġa possibbli ta' assistenza mingħand Stati Membri oħrajn.

(24)

L-iskambju ta' informazzjoni fil-każ ta' kriżi tal-elettriku huwa essenzjali sabiex jiġu żgurati azzjoni kkoordinata u assistenza mmirata. Għaldaqstant, dan ir-Regolament jobbliga lill-awtorità kompetenti sabiex tinforma lill-Istati Membri fir-reġjun, lill-Istati Membri ġirien u lill-Kummissjoni mingħajr dewmien indebitu meta tiffaċċja kriżi tal-elettriku. L-awtorità kompetenti tenħtieġ li tipprovdi wkoll informazzjoni dwar il-kawżi tal-kriżi, il-miżuri ppjanati jew meħudin għall-mitigazzjoni tal-kriżi u l-ħtieġa possibbli ta' assistenza mingħand Stati Membri oħrajn; Fejn dik l-assistenza tmur lil hinn mis-sigurtà tal-provvista tal-elettriku, il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili jenħtieġ li jibqa' l-qafas legali applikabbli.

(25)

Fil-każ ta' kriżi tal-elettriku, l-Istati Membri jenħtieġ li jikkooperaw fi spirtu ta' solidarjetà. Flimkien ma' din ir-regola ġenerali, jenħtieġ li jkun hemm provvediment xieraq biex l-Istati Membri joffru assistenza lil xulxin f'każ ta' kriżi tal-elettriku. Din l-assistenza tenħtieġ li tkun ibbażata fuq miżuri maqbula minn qabel u kkoordinati, stabbiliti fil-pjanijiet ta' tħejjija għar-riskji. Dan ir-Regolament jagħti lill-Istati Membri diskrezzjoni wiesgħa meta jaqblu dwar il-kontenut ta' tali miżuri kkoordinati u għalhekk dwar il-kontenut tal-assistenza li joffru. Hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jiddeċiedu u jaqblu dwar tali miżuri kkoordinati, filwaqt li jqisu d-domanda u l-provvista. Fl-istess ħin, dan ir-Regolament jiżgura li, għall-fini tal-assistenza miftiehma, l-elettriku jiġi pprovdut b'mod koordinat. L-Istati Membri jenħtieġ li jaqblu wkoll dwar l-arranġamenti tekniċi, legali u finanzjarji meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-miżuri reġjonali u bilaterali li dwarhom sar qbil. Taħt dawk l-arranġamenti tekniċi, l-Istati Membri jenħtieġ li jindikaw il-kwantitajiet massimi tal-elettriku li jkollhom jiġu fornuti, li jenħtieġ li jiġu vvalutati mill-ġdid abbażi tal-fattibbiltà teknika tal-provvista tal-elettriku ladarba l-assistenza tkun meħtieġa matul kriżi tal-elettriku. Sussegwentement, l-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-miżuri reġjonali u bilaterali li dwarhom sar qbil u tal-arranġamenti tekniċi, legali u finanzjarji.

(26)

Meta jiġu biex jiftiehmu dwar miżuri koordinati u arranġamenti tekniċi, legali u finanzjarji u dispożizzjonijiet oħra ta' implimentazzjoni dwar l-assistenza, l-Istati Membri jenħtieġ li jqisu fatturi soċjali u ekonomiċi, inkluża s-sigurtà taċ-ċittadini tal-Unjoni, u l-proporzjonalità. Huma mħeġġa jaqsmu l-aħjar prattiki u jużaw l-ECG bħala pjattaforma ta' diskussjoni li permezz tagħha jiġu identifikati l-għażliet disponibbli għall-assistenza, b'mod partikolari fir-rigward tal-miżuri koordinati u l-arranġamenti tekniċi, legali u finanzjarji meħtieġa, inkluż kumpens ġust. Il-Kummissjoni tista' tiffaċilita t-tħejjija tal-miżuri reġjonali u bilaterali.

(27)

L-assistenza bejn l-Istati Membri taħt dan ir-Regolament tenħtieġ li tkun soġġetta għal kumpens ġust maqbul bejn l-Istati Membri. Dan ir-Regolament ma jarmonizzax l-aspetti kollha ta' tali kumpens ġust bejn l-Istati Membri. L-Istati Membri jenħtieġ li għalhekk jaqblu fuq dispożizzjonijiet għal kumpens ġust qabel ma tingħata l-assistenza. L-Istat Membru li jitlob assistenza jenħtieġ li jħallas fil-pront ta' tali kumpens, jew jiżgura l-ħlas fil-pront tiegħu, lill-Istat Membru li jipprovdi l-assistenza. Il-Kummissjoni tenħtieġ li tipprovdi gwida mhux vinkolanti dwar l-elementi ewlenin ta' kumpens ġust u elementi oħra tal-arranġamenti tekniċi, legali u finanzjarji.

(28)

Meta jipprovdu assistenza taħt dan ir-Regolament, l-Istati Membri jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni u għalhekk huma marbuta li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali garantiti mid-dritt tal-Unjoni. Tali assistenza tista' għaldaqstant, skont il-miżuri maqbula bejn l-Istati Membri, toħloq obbligu għal Stat Membru li jħallas kumpens lil dawk milquta mill-miżuri tiegħu. L-Istati Membri jenħtieġ li għalhekk jiżguraw, fejn ikun meħtieġ, li jkunu fis-seħħ regoli nazzjonali ta' kumpens li jkunu konformi mad-dritt tal-Unjoni, b'mod partikolari mad-drittijiet fundamentali. Barra minn hekk, l-Istat Membru li jirċievi assistenza jenħtieġ li fl-aħħar mill-aħħar jerfa' l-ispejjeż raġonevoli kollha li Stat Membru ieħor iġarrab bħala riżultat tal-għoti ta' assistenza skont tali regoli nazzjonali ta' kumpens.

(29)

Fil-każ ta' kriżi tal-elettriku, l-assistenza tenħtieġ li tingħata anki jekk l-Istati Membri ma jkunux għadhom qablu dwar miżuri koordinati u arranġamenti tekniċi, legali u finanzjarji kif mitlub mid-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament dwar l-assistenza. Sabiex ikunu jistgħu jipprovdu assistenza f'tali sitwazzjoni f'konformità ma' dan ir-Regolament, l-Istati Membri jenħtieġ li jaqblu dwar miżuri u arranġamenti ad hoc li jissostitwixxu l-miżuri koordinati u l-arranġamenti tekniċi, legali u finanzjarji li jkunu nieqsa.

(30)

Dan ir-Regolament jintroduċi tali mekkaniżmu ta' assistenza bejn l-Istati Membri bħala strument għall-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni ta' kriżi tal-elettriku fl-Unjoni. Il-Kummissjoni tenħtieġ li għalhekk tirrivedi l-mekkaniżmu ta' assistenza fid-dawl tal-esperjenza futura tat-tħaddim tiegħu, u tipproponi, fejn ikun xieraq, modifiki għalih.

(31)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jippermetti lill-intrapriżi u lill-konsumaturi tal-elettriku sabiex jiddependu fuq il-mekkaniżmi tas-suq stipulati fir-Regolament (UE) 2019/943 u d-Direttiva (UE) 2019/944 kemm ikun hemm bżonn meta affaċċjati minn kriżijiet tal-elettriku. Ir-regoli li jirregolaw is-suq intern u r-regoli dwar l-funzjonament tas-sistemi jenħtieġ li jkunu rrispettati anki fi kriżijiet tal-elettriku. Tali regoli jinkludu l-punt (i) tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament (UE) 2017/1485 u l-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2017/2196, li jirregolaw it-tnaqqis ta' transazzjonijiet, il-limitazzjoni tal-provvista tal-kapaċità transżonali għall-allokazzjoni tal-kapaċità jew il-limitazzjoni tal-provvista ta' skedi. Dan ifisser li miżuri mhux ibbażati fuq is-suq, bħal skonnessjoni furzata tad-domanda, jew il-forniment ta' provvisti żejda barra l-funzjonament normali tas-suq jenħtieġ li jittieħdu biss bħala l-aħħar alternattiva, meta jkunu ġew ippruvati l-possibbiltajiet kollha pprovduti mis-suq. Għaldaqstant, skonnessjoni furzata tad-domanda tenħtieġ li tiġi introdotta biss wara li jkunu ġew eżawriti l-possibbiltajiet kollha għal skonnessjoni volontarja tad-domanda. Barra minn hekk, kwalunkwe miżura mhux ibbażata fuq is-suq tenħtieġ li tkun neċessarja, proporzjonata, mhux diskriminatorja u temporanja.

(32)

Sabiex jiżguraw it-trasparenza wara kriżi tal-elettriku, l-awtorità kompetenti li ddikjarat il-kriżi tal-elettriku tenħtieġ li twettaq evalwazzjoni ex post tal-kriżi u tal-impatti tagħha. Dik l-evalwazzjoni tenħtieġ li tqis, fost l-oħrajn, l-effikaċja u l-proporzjonalità tal-miżuri meħudin kif ukoll il-kost ekonomiku tagħhom. Dik l-evalwazzjoni tenħtieġ li tkopri wkoll kunsiderazzjonijiet transfruntiera bħall-impatt tal-miżuri fuq Stati Membri oħrajn u l-livell tal-assistenza li l-Istat Membru li ddikjara l-kriżi tal-elettriku rċieva mingħandhom.

(33)

L-obbligi ta' trasparenza jenħtieġ li jiżguraw li l-miżuri kollha meħudin għall-prevenzjoni jew għall-ġestjoni ta' kriżijiet tal-elettriku jikkonformaw mar-regoli dwar is-suq intern u jikkonformaw mal-prinċipji ta' kooperazzjoni u ta' solidarjetà li huma l-bażi tal-Unjoni tal-Enerġija.

(34)

Dan ir-Regolament isaħħaħ ir-rwol tal-ECG. Dan jenħtieġ li jwettaq kompiti speċifiċi, b'mod partikolari b'rabta mal-iżvilupp ta' metodoloġija għall-identifikazzjoni ta' xenarji reġjonali ta' kriżi tal-elettriku u ta' metodoloġija għall-valutazzjonijiet tal-adegwatezza għal terminu qasir u staġjonali u b'rabta mat-tħejjija tal-pjanijiet ta' tħejjija għar-riskji, u jenħtieġ li jkollu rwol prominenti fil-monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-Istati Membri fil-qasam tas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku, u fl-iżvilupp tal-aħjar prattiki fuq din il-bażi.

(35)

Huwa possibbli li kriżi tal-elettriku testendi lil hinn mill-fruntieri tal-Unjoni sat-territorju tal-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija. Bħala Parti għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija, l-Unjoni tenħtieġ li tippromwovi emendi għal dak it-Trattat bl-għan li jinħoloq suq integrat u spazju regolatorju uniku billi jiġi pprovdut qafas regolatorju adegwat u stabbli. Sabiex tiżgura ġestjoni effiċjenti ta' kriżijiet, l-Unjoni tenħtieġ li tikkoopera mill-qrib mal-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija meta jipprevjenu, iħejju għal, u jiġġestixxu kriżi tal-elettriku.

(36)

Fejn il-Kummissjoni, l-ACER, l-ECG, l-ENTSO għall-Elettriku, l-Istati Membri u l-awtoritajiet regolatorji kompetenti u nazzjonali tagħhom, jew kwalunkwe korp, entità jew persuna oħra, jirċievu informazzjoni kunfidenzjali skont dan ir-Regolament, huma jenħtieġ li jiżguraw il-kunfidenzjalità ta' dik l-informazzjoni. Għal dak il-għan, l-informazzjoni kunfidenzjali tenħtieġ li tkun soġġetta għar-regoli tal-Unjoni u dawk nazzjonali fis-seħħ dwar it-trattament tal-informazzjoni u l-proċessi kunfidenzjali.

(37)

Ladarba l-objettiv ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li fl-Unjoni jiżgura l-aktar tħejjija effettiva u effiċjenti għar-riskji, ma jistax jintlaħaq b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda pjuttost jista', minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-objettiv.

(38)

Ċipru bħalissa huwa l-uniku Stat Membru li mhuwiex konness direttament ma' Stat Membru ieħor. Jenħtieġ li jiġi ċċarat fir-rigward ta' ċerti dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament li, sakemm tippersisti din is-sitwazzjoni, dawk id-dispożizzjonijiet, jiġifieri dispożizzjonijiet dwar l-identifikazzjoni ta' xenarji reġjonali ta' kriżi tal-elettriku, dwar l-inklużjoni ta' miżuri reġjonali u bilaterali stabbiliti fi pjanijiet ta' tħejjija għar-riskji, u dwar l-assistenza, ma japplikawx fir-rigward ta' Ċipru. Ċipru u Stati Membri rilevanti oħra huma mħeġġa jiżviluppaw, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, miżuri u proċeduri alternattivi fl-oqsma koperti minn dawk id-dispożizzjonijiet, sakemm tali miżuri u proċeduri alternattivi ma jaffettwawx l-applikazzjoni effettiva ta' dan ir-Regolament bejn l-Istati Membri l-oħra.

(39)

Id-Direttiva 2005/89/KE tenħtieġ li titħassar,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet Ġenerali

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli għal kooperazzjoni bejn Stati Membri bl-għan tal-prevenzjoni ta', it-tħejjija għal, u l-ġestjoni ta' kriżijiet tal-elettriku fi spirtu ta' solidarjetà u ta' trasparenza u b'kunsiderazzjoni sħiħa tar-rekwiżiti ta' suq intern kompetittiv tal-elettriku.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“sigurtà tal-provvista tal-elettriku” tfisser il-kapaċità ta' sistema tal-elettriku li tiggarantixxi l-provvista ta' elettriku lill-konsumaturi b'livell stabbilit b'mod ċar ta' prestazzjoni, kif iddeterminat mill-Istati Membri kkonċernati;

(2)

“operatur ta' sistema ta' trasmissjoni” tfisser operatur ta' sistema ta' trasmissjoni kif definit fil-punt (35) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(3)

“distribuzzjoni” tfisser distribuzzjoni kif definita fil-punt (28) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(4)

“fluss transkonfinali” tfisser fluss transkonfinali kif definit fil-punt (3) tal-Artikolu 2 (2) tar-Regolament (UE) 2019/943;

(5)

“kapaċità transżonali” tfisser il-kapaċità kemm is-sistema interkonnessa tkun tista' takkomoda t-trasferiment tal-enerġija bejn iż-żoni tal-offerti;

(6)

“klijent” tfisser klijent kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(7)

“operatur ta' sistema ta 'distribuzzjoni” tfisser operatur ta 'sistema ta' distribuzzjoni kif definit fil-punt (29) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(8)

“ġenerazzjoni” tfisser ġenerazzjoni kif definita fil-punt (37) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE)2019/944;

(9)

“kriżi tal-elettriku” tfisser sitwazzjoni preżenti jew imminenti li fiha nuqqas sinifikanti ta' elettriku, kif iddeterminat mill-Istati Membri u kif deskritt fil-pjanijiet ta' tħejjija għar-riskji, jew fiha impossibbiltà ta' provvista tal-elettriku lill-konsumaturi;

(10)

“kriżi tal-elettriku simultanja” tfisser kriżi tal-elettriku li taffettwa lil aktar minn Stat Membru wieħed fl-istess ħin;

(11)

“awtorità kompetenti” tfisser awtorità governattiva nazzjonali jew awtorità regolatorja nominata minn Stat Membru skont l-Artikolu 3;

(12)

“awtoritajiet regolatorji” tfisser awtoritajiet regolatorji msemmija fl-Artikolu 57(1) tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(13)

“koordinatur tal-kriżi” tfisser persuna, grupp ta' persuni, tim kompost mill-maniġers nazzjonali rilevanti għall-kriżi tal-elettriku jew istituzzjoni li jkollhom il-kariga ta' punt ta' kuntatt u li jikkoordinaw il-fluss tal-informazzjoni matul kriżi tal-elettriku;

(14)

“miżura mhux ibbażata fuq is-suq” tfisser kwalunkwe miżura mil-lat tal-provvista jew tad-domanda li tiddevja mir-regoli tas-suq jew minn ftehimiet kummerċjali, bl-għan li timmitiga kriżi tal-elettriku;

(15)

“produttur” tfisser produttur kif definit fil-punt (38) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(16)

“reġjun” tfisser grupp ta' Stati Membri li l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni tagħhom jikkondividu l-istess ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali kif imsemmi fl-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) 2019/943;

(17)

“sottogrupp” tfisser grupp ta' Stati Membri, f'reġjun, li jkollhom il-kapaċità teknika li jipprovdu assistenza lil xulxin skont l-Artikolu 15;

(18)

“twissija bikrija” tfisser l-għoti ta' informazzjoni konkreta, serja, affidabbli li tindika li jista' jseħħ avveniment li aktarx jirriżulta f'deterjorament sinifikanti tas-sitwazzjoni tal-provvista tal-elettriku u aktarx li jwassal għal kriżi tal-elettriku;

(19)

“trasmissjoni” tfisser trasmissjoni kif definita fil-punt (34) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(20)

“impriża tal-elettriku” tfisser impriża tal-elettriku kif definita fil-punt (57) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(21)

“allokazzjoni ta' kapaċità” tfisser l-attribuzzjoni tal-kapaċità transżonali;

(22)

“enerġija minn sorsi rinnovabbli” tfisser enerġija minn sorsi rinnovabbli jew enerġija rinnovabbli kif definita fil-punt (31) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944.

Artikolu 3

Awtorità kompetenti

1.   Mill-aktar fis possibbli u fi kwalunkwe każ sal-5 ta' Jannar 2020, kull Stat Membru għandu jinnomina awtorità governattiva jew regolatorja nazzjonali bħala l-awtorità kompetenti tiegħu. L-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu responsabbli u jikkooperaw ma' xulxin sabiex iwettqu l-kompiti previsti f'dan ir-Regolament. Fejn adatt, sa meta tiġi nominata l-awtorità kompetenti, l-entitajiet nazzjonali responsabbli għas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku għandhom iwettqu l-kompiti tal-awtorità kompetenti skont dan ir-Regolament.

2.   L-Istati Membri għandhom, mingħajr dewmien, jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-ECG u jippubblikaw l-isem u d-dettalji ta' kuntatt tal-awtoritajiet kompetenti tagħhom nominati skont il-paragrafu 1 u kwalunkwe tibdil fl-isem jew fid-dettalji ta' kuntatt tagħhom.

3.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-awtorità kompetenti biex tiddelega kompiti operazzjonali rigward l-ippjanar ta' tħejjija għar-riskji u l-ġestjoni tar-riskju stabbiliti f'dan ir-Regolament lil korpi oħra. Il-kompiti delegati għandhom jitwettqu taħt is-superviżjoni tal-awtorità kompetenti u għandhom ikunu speċifikati fil-pjan ta' tħejjija għar-riskji f'konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 11(1).

KAPITOLU II

Valutazzjoni tar-riskji

Artikolu 4

Valutazzjoni tar-riskji għas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku

Kull awtorità kompetenti għandha tiżgura li r-riskji kollha rilevanti relatati mas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku jiġu vvalutati skont ir-regoli stabbiliti f'dan ir-Regolament u fil-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) 2019/943. Għal dak il-għan hi għandha tikkoopera ma' operaturi ta' sistemi ta' trażmissjoni, ma' operaturi ta' sistemi ta' distribuzzjoni, mal-awtoritajiet regolatorji, mal-ENTSO għall-Elettriku, ma' ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali u ma' partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, kif meħtieġ.

Artikolu 5

Il-metodoloġija għall-identifikazzjoni ta' xenarji reġjonali ta' kriżi tal-elettriku

1.   Sal-5 ta' Jannar 2020, l-ENTSO għall-Elettriku għandu jippreżenta għand l-ACER proposta għal metodoloġija għall-identifikazzjoni tal-aktar xenarji reġjonali ta' kriżi tal-elettriku rilevanti.

2.   Il-metodoloġija proposta għandha tidentifika xenarji ta' kriżi tal-elettriku relattivament għall-adegwatezza tas-sistema, is-sigurtà tas-sistema u s-sigurtà tal-fjuwil fuq il-bażi ta', mill-anqas, ir-riskji li ġejjin:

(a)

perikli naturali rari u estremi;

(b)

perikli aċċidentali li jmorru lil hinn mill-kriterju ta' sigurtà N-1 u kontinġenzi eċċezzjonali;

(c)

perikli konsegwenzjali inklużi l-konsegwenzi ta' attakki malizzjużi u ta' nuqqas ta' fjuwil.

3.   Il-metodoloġija proposta għandha tinkludi tal-anqas l-elementi li ġejjin:

(a)

kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi nazzjonali u reġjonali rilevanti kollha, inklużi kwalunkwe sottogruppi;

(b)

l-interazzjoni u l-korrelazzjoni ta' riskji f'livell transfruntier;

(c)

simulazzjonijiet ta' xenarji ta' kriżi tal-elettriku simultanja;

(d)

il-klassifikazzjoni tar-riskji skont l-impatt u l-probabbiltà tagħhom;

(e)

prinċipji dwar kif tiġi ttrattata informazzjoni sensittiva b'mod li tiġi żgurata t-trasparenza fir-rigward tal-pubbliku.

4.   Meta jitqiesu r-riskji ta' interruzzjoni tal-provvista tal-gass fil-kuntest tal-identifikazzjoni tar-riskji skont il-punt (c) tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, l-ENTSO għall-Elettriku għandu juża x-xenarji ta' interruzzjoni tal-provvista u tal-infrastruttura tal-gass naturali żviluppati mill-ENTSOG skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2017/1938.

5.   Qabel ma jippreżenta l-metodoloġija proposta lill-ACER, l-ENTSO għall-Elettriku għandu jwettaq eżerċizzju ta' konsultazzjoni li jinvolvi tal-anqas iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali, organizzazzjonijiet industrijali u tal-konsumatur, produtturi jew il-korpi kummerċjali tagħhom, operaturi ta' sistemi ta' trażmissjoni u operaturi ta' sistemi ta' distribuzzjoni rilevanti, awtoritajiet kompetenti, l-awtoritajiet regolatorji u awtoritajiet nazzjonali rilevanti oħrajn. L-ENSTO-E għandu debitament jikkunsidra r-riżultati tal-konsultazzjoni u jippreżentahom, flimkien mal-metodoloġija proposta, f'laqgħa tal-ECG.

6.   Fi żmien xahrejn mindu tirċievi l-metodoloġija proposta, l-ACER għandha, wara li tikkonsulta lill-ECG, fil-formazzjoni tiegħu magħmula biss minn rappreżentanti tal-Istati Membri, tapprova jew temenda l-proposta. L-ENTSO għall-Elettriku u l-ACER għandhom jippubblikaw il-verżjoni finali tal-metodoloġija fuq is-siti web tagħhom.

7.   L-ENTSO għall-Elettriku għandu jaġġorna u jtejjeb il-metodoloġija skont il-paragrafi 1 sa 6 meta ssir disponibbli informazzjoni sinifikanti ġdida. L-ECG, fil-formazzjoni tiegħu magħmul biss minn rappreżentanti tal-Istati Membri, jista' jirrakkomanda, u l-ACER jew il-Kummissjoni jistgħu jitolbu, tali aġġornamenti u titjib filwaqt li debitament jipprovdu l-ġustifikazzjoni tagħhom. Fi żmien sitt xhur mir-riċezzjoni tat-talba, l-ENTSO għall-Elettriku għandu jippreżenta abbozz tat-tibdiliet proposti lill-ACER. Fi żmien xahrejn mindu tirċievi tali abbozz, l-ACER għandha, wara li tikkonsulta lill-ECG fil-formazzjoni tiegħu magħmula biss minn rappreżentanti tal-Istati Membri, tapprova jew temenda t-tibdiliet proposti. Jenħtieġ li l-ENTSO għall-Elettriku u l-ACER jippubblikaw il-verżjoni finali tal-metodoloġija aġġornata fuq is-siti web tagħhom.

Artikolu 6

L-identifikazzjoni ta' xenarji ta' kriżi tal-elettriku reġjonali

1.   Fi żmien sitt xhur mill-approvazzjoni ta' metodoloġija skont l-Artikolu 5(6), l-ENTSO għall-Elettriku għandu, abbażi ta' dik il-metodoloġija u f'kooperazzjoni mill-qrib mal-ECG, iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali, l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet regolatorji, jidentifika l-aktar xenarji ta' kriżi tal-elettriku rilevanti għal kull reġjun. Jista' jiddelega kompiti relatati mal-identifikazzjoni ta' xenarji ta' kriżi tal-elettriku reġjonali liċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali.

2.   L-ENTSO għall-Elettriku għandu jippreżenta x-xenarji ta' kriżi tal-elettriku reġjonali lill-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni rilevanti, iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali, l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet regolatorji kif ukoll lill-ECG. L-ECG jista' jirrakkomanda emendi.

3.   L-ENTSO għall-Elettriku għandu jaġġorna x-xenarji ta' kriżi tal-elettriku reġjonali kull erba' snin, sakemm iċ-ċirkustanzi ma jiġġustifikawx aġġornamenti aktar spissi.

Artikolu 7

L-identifikazzjoni ta' xenarji ta' kriżi tal-elettriku nazzjonali

1.   Fi żmien erba' xhur mill-identifikazzjoni tax-xenarji ta' kriżi tal-elettriku reġjonali skont l-Artikolu 6(1), l-awtorità kompetenti għandha tidentifika l-aktar xenarji ta' kriżi tal-elettriku rilevanti fil-livell nazzjonali.

2.   Meta tidentifika x-xenarji ta' kriżi tal-elettriku nazzjonali, l-awtorità kompetenti għandha tikkonsulta lill-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni, lill-operaturi tas-sistemi ta' distribuzzjoni li l-awtorità kompetenti tqis rilevanti, il-produtturi rilevanti jew il-korpi kummerċjali tagħhom u l-awtorità regolatorja meta hija ma tkunx l-awtorità kompetenti.

3.   Ix-xenarji ta' kriżi tal-elettriku nazzjonali għandhom ikunu identifikati fuq il-bażi ta' mill-anqas ir-riskji msemmijin fl-Artikolu 5(2) u għandhom ikunu konsistenti max-xenarji tal-kriżi tal-elettriku reġjonali identifikati f'konformità mal-Artikolu 6(1). L-Istati Membri għandhom jaġġornaw ix-xenarji tal-kriżi tal-elettriku nazzjonali kull erba' snin, sakemm iċ-ċirkustanzi ma jiġġustifikawx aġġornamenti aktar spissi.

4.   Fi żmien erba' xhur mill-identifikazzjoni tax-xenarji ta' kriżi tal-elettriku reġjonali skont l-Artikolu 6(1), l-Istati Membri għandhom jinformaw lill-ECG u lill-Kummissjoni dwar l-evalwazzjoni tagħhom tar-riskji relattivament għas-sjieda ta' infrastruttura rilevanti għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, u dwar kwalunkwe miżura meħuda għall-prevenzjoni jew għall-mitigazzjoni ta' tali riskji, b'indikazzjoni dwar għaliex tali miżuri huma meqjusin neċessarji u proporzjonati.

Artikolu 8

Il-metodoloġija għal valutazzjonijiet tal-adegwatezza għal terminu qasir u dawk staġjonali

1.   Sal-5 ta' Jannar 2020, l-ENTSO għall-Elettriku għandu jippreżenta lill-ACER proposta għal metodoloġija għall-valutazzjoni tal-adegwatezza staġjonali u għall-valutazzjoni tal-adegwatezza għal terminu qasir, jiġifieri l-adegwatezza ta' kull xahar, ta' ġimgħa bil-quddiem sa mill-anqas ġurnata qabel, li għandha tkopri tal-anqas dawn li ġejjin:

(a)

l-inċertezza tal-inputs bħall-probabbiltà ta' indisponibilità tal-kapaċità ta' trażmissjoni, il-probabbiltà ta' indisponibilità mhux ippjanata ta' impjanti tal-enerġija, kondizzjonijiet serji tat-temp, domanda varjabbli, b'mod partikolari fejn tilħaq il-massimu tagħha skont il-kondizzjonijiet tat-temp, u l-varjabbiltà tal-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli;

(b)

il-probabbiltà tal-okkorrenza ta' kriżi tal-elettriku;

(c)

il-probabbiltà tal-okkorrenza ta' kriżi tal-elettriku simultanja.

2.   Il-metodoloġija msemmija fil-paragrafu 1 għandha tipprovdi għal approċċ probabilistiku, inklużi xenarji multipli, u għandha tqis il-kuntesti nazzjonali, reġjonali u tal-Unjoni, inkluż il-livell ta' interkonnessjoni bejn l-Istati Membri u, kemm jista' jkun, pajjiżi terzi li jinsabu fi ħdan żona sinkronika tal-Unjoni. Il-metodoloġija għandha tqis l-ispeċifiċitajiet tas-settur tal-enerġija ta' kull Stat Membru, inklużi l-kondizzjonijiet speċifiċi tat-temp u ċirkustanzi esterni.

3.   Qabel ma jippreżenta l-metodoloġija proposta, l-ENTSO għall-Elettriku għandu jwettaq eżerċizzju ta' konsultazzjoni li jinvolvi tal-anqas iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali, l-organizzazzjonijiet industrijali u tal-konsumatur, il-produtturi jew il-korpi kummerċjali tagħhom, l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni, l-operaturi tas-sistemi ta' distribuzzjoni rilevanti, l-awtoritajiet kompetenti, l-awtoritajiet regolatorji u awtoritajiet nazzjonali rilevanti oħrajn. L-ENSTO-E għandu debitament jikkunsidra r-riżultati tal-konsultazzjoni u jippreżentahom, flimkien mal-metodoloġija proposta, f'laqgħa tal-ECG.

4.   Fi żmien xahrejn mindu tirċievi l-metodoloġija proposta, l-ACER għandha, wara li tikkonsulta lill-ECG fil-formazzjoni tiegħu magħmula biss minn rappreżentanti tal-Istati Membri, tapprova jew temenda l-proposta. L-ENTSO għall-Elettriku u l-ACER għandhom jippubblikaw il-verżjoni finali tal-metodoloġija fuq is-siti web tagħhom.

5.   L-ENTSO għall-Elettriku għandu jaġġorna u jtejjeb il-metodoloġija skont il-paragrafi 1 sa 4 meta ssir disponibbli informazzjoni ġdida sinifikanti. L-ECG fil-formazzjoni tiegħu magħmul biss minn rappreżentanti tal-Istati Membri, jista' jirrakkomanda, u l-ACER jew il-Kummissjoni jistgħu jitolbu, tali aġġornamenti u titjib filwaqt li debitament jipprovdu l-ġustifikazzjoni tagħhom. Fi żmien sitt xhur mit-talba, l-ENTSO għall-Elettriku għandu jippreżenta lill-ACER abbozz tat-tibdiliet proposti. Fi żmien xahrejn mindu tirċievi tali abbozz, l-ACER għandha, wara li tikkonsulta lill-ECG fil-formazzjoni tiegħu magħmula biss minn rappreżentanti tal-Istati Membri, tapprova jew temenda t-tibdiliet proposti. L-ENTSO għall-Elettriku u l-ACER għandhom jippubblikaw il-verżjoni finali tal-metodoloġija aġġornata fuq is-siti web tagħhom.

Artikolu 9

Valutazzjonijiet tal-adegwatezza għal terminu qasir u dawk staġjonali

1.   Il-valutazzjonijiet tal-adegwatezza kollha għal terminu qasir, kemm jekk isiru fil-livell nazzjonali, reġjonali jew tal-Unjoni, għandhom isiru f'konformità mal-metodoloġija żviluppata skont l-Artikolu 8.

2.   L-ENTSO għall-Elettriku għandu jagħmel valutazzjonijiet tal-adegwatezza staġjonali skont il-metodoloġija żviluppata b'konformità mal-Artikolu 8. Għandu jippubblika r-riżultati għall-valutazzjoni tal-adegwatezza tax-xitwa sal-1 ta' Diċembru ta' kull sena u għall-valutazzjoni tal-adegwatezza tas-sajf sal-1 ta' Ġunju ta' kull sena. Jista' jiddelega kompiti relatati mal-valutazzjonijiet tal-adegwatezza liċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali. Għandu jippreżenta l-valutazzjoni tal-adegwatezza f'laqgħa tal-ECG, li jista' jagħmel rakkomandazzjonijiet fejn xieraq.

3.   Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jagħmlu valutazzjonijiet tal-adegwatezza ta' ġimgħa bil-quddiem sa mill-anqas ġurnata qabel skont ir-Regolament (UE) 2017/1485 fuq il-bażi tal-metodoloġija adottata skont l-Artikolu 8 ta' dan ir-Regolament.

KAPITOLU III

Pjanijiet ta' tħejjija għar-riskji

Artikolu 10

L-istabbiliment ta' pjanijiet ta' tħejjija għar-riskji

1.   Fuq il-bażi tax-xenarji ta' kriżi tal-elettriku reġjonali u nazzjonali identifikati skont l-Artikoli 6 u 7, l-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru għandha tistabbilixxi pjan ta' tħejjija għar-riskji, wara li jikkonsulta lill-operaturi tas-sistemi ta' distribuzzjoni meqjusa rilevanti mill-awtorità kompetenti, lill-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni, lill-produtturi rilevanti jew il-korpi kummerċjali tagħhom, lill-intrapriżi tal-elettriku u tal-gass naturali, lill-organizzazzjonijiet rilevanti li jirrappreżentaw l-interessi tal-konsumaturi industrijali u dawk mhux industrijali tal-elettriku, u lill-awtorità regolatorja fejn din ma tkunx l-awtorità kompetenti.

2.   Il-pjan ta' tħejjija għar-risjki għandu jikkonsisti f'miżuri nazzjonali u, fejn applikabbli, f'miżuri reġjonali u bilaterali kif previst fl-Artikoli 11 u 12. F'konformità mal-Artikolu 16, il-miżuri kollha ppjanati jew meħudin ta' prevenzjoni, tħejjija, u mitigazzjoni fir-rigward ta' kriżijiet tal-elettriku għandhom jikkonformaw bis-sħiħ mar-regoli li jirregolaw is-suq intern tal-elettriku u t-tħaddim tas-sistemi. Dawk il-miżuri għandhom ikunu definiti b'mod ċar, trasparenti, proporzjonati u mhux diskriminatorji.

3.   Il-pjan ta' tħejjija għar-riskji għandu jiġi żviluppat skont l-Artikoli 11 u 12 u skont il-mudell stabbilit fl-Anness. Jekk ikun meħtieġ, l-Istati Membri jistgħu jinkludu informazzjoni addizzjonali fil-pjan ta' tħejjija għar-riskji.

4.   Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza tal-pjanijiet ta' tħejjija għar-riskji, l-awtoritajiet kompetenti għandhom, qabel ma jadottaw il-pjanijiet tagħhom ta' tħejjija għar-riskji, jippreżentaw l-abbozzi tal-pjanijiet, għall-konsultazzjoni, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri rilevanti fir-reġjun u, fejn ma jkunux fl-istess reġjun, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri konnessi direttament, kif ukoll lill-ECG.

5.   Fi żmien sitt xhur mindu jirċievu l-abbozz tal-pjanijiet ta' tħejjija għar-riskji, l-awtoritajiet kompetenti msemmijja fil-paragrafu 4 u l-ECG jistgħu joħorġu rakkomandazzjonijiet relatati mal-abbozzi tal-pjanijiet ippreżentati skont il-paragrafu 4.

6.   Fi żmien disa' xhur mill-preżentazzjoni tal-abbozzi tal-pjanijiet, l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati għandhom jadottaw il-pjanijiet tagħhom ta' tħejjija għar-riskji, filwaqt li jqisu r-riżultati tal-konsultazzjoni skont il-paragrafu 4 u kwalunkwe rakkomandazzjoni maħruġa skont il-paragrafu 5. Huma għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-pjanijiet ta' tħejjija għar-riskji tagħhom mingħajr dewmien.

7.   L-awtoritajiet kompetenti u l-Kummissjoni għandhom jippubblikaw il-pjanijiet ta' tħejjija għar-riskji fuq is-siti web tagħhom, filwaqt li jiżguraw il-kunfidenzjalità ta' informazzjoni sensittiva, b'mod partikolari informazzjoni dwar miżuri relatati mal-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni ta' konsegwenzi ta' attakki malizzjużi. Il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità ta' informazzjoni sensittiva għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipji ddeterminati skont l-Artikolu 19.

8.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jadottaw u jippubblikaw l-ewwel pjanijiet tagħhom ta' tħejjija għar-riskji sal-5 ta' Jannar 2022. Għandhom sussegwentement jaġġornawhom kull erba' snin, sakemm iċ-ċirkustanzi ma jiġġustifikawx aġġornamenti aktar spissi.

Artikolu 11

Il-kontenut tal-pjanijiet ta' tħejjija għar-riskji fir-rigward ta' miżuri nazzjonali

1.   Kull pjan ta' tħejjija għar-riskji ta' kull Stat Membru għandu jistabbilixxi l-miżuri nazzjonali kollha li jkunu ppjanati jew meħuda għall-prevenzjoni, tħejjija u mitigazzjoni fir-rigward ta' kriżijiet tal-elettriku kif identifikati skont l-Artikoli 6 u 7. Tal-anqas għandu:

(a)

jinkludi sommarju tax-xenarji ta' kriżi tal-elettriku definiti għall-Istat Membru u r-reġjun rilevanti, skont il-proċeduri stabbiliti fl-Artikoli 6 u 7;

(b)

jistabbilixxi r-rwol u r-responsabbiltajiet tal-awtorità kompetenti u jiddeskrivi liema kompiti, jekk ikun il-każ, ġew delegati lil korpi oħra;

(c)

jiddeskrivi l-miżuri nazzjonali mfasslin għall-prevenzjoni ta', jew għat-tħejjija għal, ir-riskji identifikati skont l-Artikoli 6 u 7;

(d)

jinnomina koordinatur għall-kriżijiet nazzjonali u jistabbilixxi l-kompiti tiegħu;

(e)

jistabbilixxi proċeduri ddettaljati li għandhom jiġu segwiti fi kriżijiet tal-elettriku, inklużi l-iskemi korrispondenti dwar flussi ta' informazzjoni;

(f)

jidentifika l-kontribuzzjoni tal-miżuri bbażati fuq is-suq fit-trattament ta' kriżijiet tal-elettriku, b'mod partikolari miżuri mil-lat tad-domanda u dak tal-provvista;

(g)

jidentifika miżuri possibbli mhux ibbażati fuq is-suq li għandhom jiġu implimentati fi kriżijiet tal-elettriku, filwaqt li jispeċifika l-iskattaturi, il-kondizzjonijiet u l-proċeduri għall-implimentazzjoni tagħhom, u jindika kif jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 16 u mal-miżuri reġjonali u bilaterali;

(h)

jipprovdi qafas għat-tneħħija manwali tat-tagħbija, li jistipula ċ-ċirkostanzi li fihom għandhom jitneħħew it-tagħbijiet u, fir-rigward tas-sikurezza pubblika u s-sigurtà personali, li jispeċifika liema kategoriji ta' utenti tal-elettriku huma, skont il-liġi nazzjonali, intitolati li jirċievu protezzjoni speċjali kontra l-iskonnessjoni, filwaqt li jiġġustifika l-ħtieġa ta' tali protezzjoni, u jispeċifika kif l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni u l-operaturi tas-sistemi ta' distribuzzjoni tal-Istati Membri kkonċernati għandhom inaqqsu l-konsum;

(i)

jiddeskrivi l-mekkaniżmi użati sabiex il-pubbliku jiġi informat dwar kriżijiet tal-elettriku;

(j)

jiddeskrivi l-miżuri nazzjonali meħtieġa għall-implimentazzjoni u l-infurzar tal-miżuri reġjonali u, fejn applikabbli, tal-miżuri bilaterali maqbula skont l-Artikolu 12;

(k)

jinkludi informazzjoni dwar pjanijiet relatati u neċessarji għall-iżvilupp tal-grilja futura li ser tgħin biex jiġu trattati l-konsegwenzi ta' xenarji identifikati ta' kriżi tal-elettriku.

2.   Il-miżuri nazzjonali kollha għandhom iqisu l-miżuri reġjonali u, fejn applikabbli, miżuri bilaterali li dwarhom sar qbil skont l-Artikolu 12 u m'għandhomx jipperikolaw is-sigurtà operazzjonali jew is-sikurezza tas-sistema ta' trażmissjoni, u lanqas is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija ta' Stati Membri oħrajn.

Artikolu 12

Il-kontenut tal-pjanijiet ta' tħejjija għar-riskji fir-rigward ta' miżuri reġjonali u bilaterali

1.   Minbarra l-miżuri nazzjonali msemmija fl-Artikolu 11, il-pjan ta' tħejjija għar-riskji ta' kull Stat Membru għandu jinkludi miżuri reġjonali u, fejn applikabbli, bilaterali sabiex jiżgura li l-kriżijiet tal-elettriku b'impatt transfruntier jiġu evitati jew ġestiti kif xieraq. Il-miżuri reġjonali għandhom jiġu maqbulin fi ħdan ir-reġjun ikkonċernat bejn l-Istati Membri li jkollhom il-kapaċità teknika li jipprovdu assistenza lil xulxin skont l-Artikolu 15. Għal dak il-għan, l-Istati Membri jistgħu wkoll jiffurmaw sottogruppi fi ħdan reġjun. Il-miżuri bilaterali għandhom ikunu maqbulin bejn l-Istati Membri li jkunu konnessi direttament iżda li ma jkunux fl-istess reġjun. L-Istati Membri għandhom jiżguraw konsistenza bejn il-miżuri reġjonali u dawk bilaterali. Il-miżuri reġjonali u bilaterali għandhom tal-anqas jinkludu:

(a)

in-nomina ta' koordinatur għall-kriżi;

(b)

mekkaniżmi għall-kondiviżjoni ta' informazzjoni u għall-kooperazzjoni;

(c)

miżuri kkoordinati li jimmitigaw l-impatt ta' kriżi tal-elettriku, inkluża kriżi tal-elettriku simultanja, għall-fini ta' assistenza skont l-Artikolu 15;

(d)

proċeduri għat-twettiq ta' testijiet annwali jew kull sentejn tal-pjanijiet ta' tħejjija għar-riskji;

(e)

il-mekkaniżmi ta' skattar ta' miżuri mhux ibbażati fuq is-suq li għandhom jiġu attivati f'konformità mal-Artikolu 16(2).

2.   L-Istati Membri kkonċernati għandhom jaqblu dwar il-miżuri reġjonali u bilaterali li jridu jiddaħħlu fil-pjan ta' tħejjija għar-riskji, wara konsultazzjoni maċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali rilevanti. Il-Kummissjoni jista' jkollha rwol ta' faċilitatur fit-tħejjija tal-ftehim dwar il-miżuri reġjonali u bilaterali. Il-Kummissjoni tista' titlob lill-ACER u lill-ENTSO għall-Elettriku biex jipprovdu assistenza teknika lill-Istati Membri bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat tali ftehim. Tal-anqas tmien xhur qabel l-iskadenza għall-adozzjoni jew għall-aġġornar tal-pjan ta' tħejjija għar-riskji, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jirrapportaw lill-ECG dwar il-ftehimiet milħuqin. Jekk l-Istati Membri ma jirnexxilhomx jilħqu ftehim, l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar ir-raġunijiet għal tali nuqqas ta' qbil. F'każ bħal dan il-Kummissjoni għandha tipproponi miżuri inkluż mekkaniżmu ta' kooperazzjoni għall-konklużjoni ta' ftehim dwar il-miżuri reġjonali u bilaterali.

3.   Bl-involviment tal-partijiet ikkonċernati rilevanti, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ta' kull reġjun għandhom perjodikament jittestjaw l-effikaċja tal-proċeduri żviluppati fil-pjanijiet ta' tħejjija għar-riskji għall-prevenzjoni ta' kriżijiet tal-elettriku, inklużi l-mekkaniżmi msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1, u jwettqu simulazzjonijiet ta' kriżijiet tal-elettriku kull sentejn, b'mod partikolari testijiet fuq dawk il-mekkaniżmi.

Artikolu 13

Il-valutazzjoni mill-Kummissjoni tal-pjanijiet ta' tħejjija għar-riskji

1.   Fi żmien erba' xhur min-notifika tal-pjan ta' tħejjija għar-riskji adottat mill-awtorità kompetenti, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-pjan filwaqt li debitament tqis il-fehmiet espressi mill-ECG.

2.   Il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta lill-ECG, toħroġ opinjoni mhux vinkolanti, li tistabbilixxi raġunijiet dettaljati, u tippreżentaha lill-awtorità kompetenti, b'rakkomandazzjoni biex jiġi rivedut il-pjan tagħha ta' tħejjija għar-riskji, fejn dak il-pjan:

(a)

ma jkunx effettiv fil-mitigazzjoni tar-riskji identifikati fix-xenarji ta' kriżi tal-elettriku;

(b)

ikun inkonsistenti max-xenarji ta' kriżi tal-elettriku identifikati jew mal-pjan ta' tħejjija għar-riskji ta' Stat Membru ieħor;

(c)

ma jikkonformax mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 10(2);

(d)

jistabbilixxi miżuri li x'aktarx jipperikolaw is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku ta' Stati Membri oħrajn;

(e)

ifixkel indebitament il-kompetizzjoni u l-funzjonament effettiv tas-suq intern; jew

(f)

ma jkunx konformi mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament jew ma' dispożizzjonijiet oħrajn tad-dritt tal-Unjoni.

3.   Fi żmien tliet xhur mindu tirċievi l-opinjoni tal-Kummissjoni msemmija fil-paragrafu 2, l-awtorità kompetenti kkonċernata għandha tqis bis-sħiħ ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni u għandha jew tinnotifika l-pjan ta' tħejjija għar-riskji emendat lill-Kummissjoni jew tinnotifika lill-Kummissjoni bir-raġunijiet għalfejn toġġezzjona għar-rakkomandazzjoni.

4.   Fil-każ li l-awtorità kompetenti toġġezzjona għar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni tista', fi żmien erba' xhur minn meta tirċievi n-notifika tal-awtorità kompetenti dwar r-raġunijiet għall-oġġezzjoni, tirtira r-rakkomandazzjoni tagħha jew issejjaħ laqgħa mal-awtorità kompetenti u, fejn il-Kummissjoni tqis li jkun meħtieġ, mal-ECG, sabiex tivvaluta l-kwistjoni. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi raġunijiet dettaljati għalfejn tkun talbet kwalunkwe modifika għall-pjan ta' tħejjija għar-riskji. Fejn il-pożizzjoni finali tal-awtorità kompetenti kkonċernata tvarja mir-raġunijiet dettaljati tal-Kummissjoni, dik l-awtorità kompetenti għandha tipprovdi lill-Kummissjoni r-raġunijiet għall-pożizzjoni tagħha fi żmien xahrejn minn meta tirċievi r-raġunijiet dettaljati tal-Kummissjoni.

KAPITOLU IV

Il-ġestjoni ta' kriżijiet tal-elettriku

Artikolu 14

Twissija bikrija u dikjarazzjoni ta' kriżi tal-elettriku

1.   Fejn xi valutazzjoni tal-adegwatezza staġjonali jew xi sors ieħor kwalifikat jipprovdu informazzjoni konkreta, serja u affidabbli li tista' sseħħ kriżi tal-elettriku fi Stat Membru, l-awtorità kompetenti ta' dak l-Istat Membru għandha, mingħajr dewmien indebitu, toħroġ twissija bikrija lill-Kummissjoni, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fl-istess reġjun u, fejn ma jkunux fl-istess reġjun, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri direttament konnessi. L-awtorità kompetenti kkonċernata għandha wkoll tipprovdi informazzjoni dwar il-kawżi tal-kriżi tal-elettriku possibbli, dwar il-miżuri ppjanati jew meħudin għall-prevenzjoni ta' kriżi tal-elettriku u dwar il-ħtieġa possibbli ta' assistenza mingħand Stati Membri oħrajn. L-informazzjoni għandha tinkludi l-impatti possibbli tal-miżuri fuq is-suq intern tal-elettriku. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi dik l-informazzjoni lill-ECG.

2.   Meta tiffaċċja kriżi tal-elettriku, l-awtorità kompetenti għandha, wara li tikkonsulta lill-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni kkonċernat, tiddikjara kriżi tal-elettriku u tinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fl-istess reġjun u, fejn ma jkunux fl-istess reġjun, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri direttament konnessi, kif ukoll lill-Kummissjoni, mingħajr dewmien indebitu. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi l-kawżi tad-deterjorament tas-sitwazzjoni tal-provvista tal-elettriku, ir-raġunijiet għad-dikjarazzjoni ta' kriżi tal-elettriku, il-miżuri ppjanati jew meħudin għall-mitigazzjoni, u l-ħtieġa possibbli ta' kwalunkwe assistenza mingħand Stati Membri oħrajn.

3.   Fejn iqisu li l-informazzjoni pprovduta skont il-paragrafu 1 jew 2 mhijiex suffiċjenti, il-Kummissjoni, l-ECG jew l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fl-istess reġjun u, fejn ma jkunux fl-istess reġjun, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri direttament konnessi jistgħu jitolbu lill-Istat Membru kkonċernat biex jipprovdi informazzjoni addizzjonali.

4.   Fejn awtorità kompetenti toħroġ twissija bikrija jew tiddikjara kriżi tal-elettriku, il-miżuri stabbiliti fil-pjan ta' tħejjija għar-riskji għandhom jiġu segwiti b'mod sħiħ kemm jista' jkun.

Artikolu 15

Il-kooperazzjoni u l-assistenza

1.   L-Istati Membri għandhom jaġixxu u jikkooperaw fi spirtu ta' solidarjetà sabiex jipprevjenu u jiġġestixxu kriżijiet tal-elettriku.

2.   Fejn ikollhom il-kompetenza teknika meħtieġa, l-Istati Membri għandhom joffru assistenza lil xulxin permezz ta' miżuri reġjonali jew bilaterali li dwarhom sar qbil skont dan l-Artikolu u skont l-Artikolu 12 qabel ma tingħata dik assistenza. Għal dak il-għan, u bl-iskop tal-protezzjoni tas-sikurezza pubblika u s-sigurtà personali, l-Istati Membri għandhom jaqblu dwar miżuri reġjonali jew bilaterali tal-għażla tagħhom sabiex jitwassal l-elettriku b'mod koordinat.

3.   L-Istati Membri għandhom jaqblu dwar l-arranġamenti tekniċi, legali u finanzjarji meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-miżuri reġjonali jew bilaterali qabel ma tiġi offruta assistenza. Tali arranġamenti għandhom jispeċifikaw, fost l-oħrajn, il-kwantità massima ta' elettriku li għandu jitwassal fil-livell reġjonali jew bilaterali, l-iskattatur għal kwalunkwe assistenza u għas-sospensjoni tal-assistenza, kif l-elettriku ser jitwassal, u d-dispożizzjonijiet dwar il-kumpens ġust bejn l-Istati Membri skont il-paragrafi 4, 5 u 6.

4.   L-assistenza għandha tkun soġġetta għal ftehim minn qabel bejn l-Istati Membri kkonċernati fir-rigward ta' kumpens ġust, li tal-inqas għandu jkopri:

(a)

l-ispiża tal-elettriku li jitwassal fit-territorju tal-Istat Membru li jitlob assistenza kif ukoll l-ispejjeż ta' trażmissjoni assoċjati; u

(b)

kwalunkwe spiża raġonevoli oħra mġarrba mill-Istat Membru li jipprovdi l-assistenza, inkluż rigward rimborż għal assistenza ppreparata mingħajr attivazzjoni effettiva, kif ukoll kwalunkwe spiża li tirriżulta minn proċeduri ġudizzjarji, proċedimenti ta' arbitraġġ jew proċedimenti u ħlas simili.

5.   Il-kumpens ġust skont il-paragrafu 4 għandu jinkludi, inter alia, l-ispejjeż raġonevoli kollha li l-Istat Membru li jipprovdi l-assistenza jġarrab minn obbligu li jħallas kumpens minħabba d-drittijiet fundamentali garantiti mid-dritt tal-Unjoni u minħabba l-obbligi internazzjonali applikabbli meta jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament dwar l-assistenza u spejjeż raġonevoli ulterjuri mġarrba mill-ħlas ta' kumpens skont regoli nazzjonali dwar il-kumpens.

6.   L-Istat Membru li jitlob assistenza għandu jħallas fil-pront, jew jiżgura l-ħlas fil-pront, tal-kumpens ġust lill-Istat Membru li jipprovdi l-assistenza.

7.   Il-Kummissjoni għandha, sal-5 ta' Jannar 2020, wara li tkun ikkonsultat lill-ECG u lill-ACER, tipprovdi għal gwida mhux vinkolanti dwar l-elementi ewlenin tal-kumpens ġust imsemmi fil-paragrafi 3 sa 6 u elementi ewlenin oħra tal-arranġamenti tekniċi, legali u finanzjarji msemmija fil-paragrafu 3 kif ukoll dwar il-prinċipji ġenerali tal-assistenza reċiproka msemmija fil-paragrafu 2.

8.   F'każ ta' kriżi tal-elettriku li fiha l-Istati Membri ma jkunux għadhom qablu dwar miżuri reġjonali jew bilaterali u arranġamenti tekniċi, legali u finanzjarji skont dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jaqblu dwar miżuri u arranġamenti ad hoc sabiex japplikaw dan l-Artikolu, inkluż rigward kumpens ġust skont il-paragrafi 4, 5 u 6. Fejn Stat Membru jitlob assistenza qabel ma jsir qbil dwar tali miżuri u arranġamenti ad hoc, dan għandu jintrabat, qabel ma jirċievi assistenza, li jħallas kumpens ġust skont il-paragrafi 4, 5 u 6.

9.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament dwar l-assistenza jiġu implimentati f'konformità mat-Trattati, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u obbligi internazzjonali applikabbli oħra. Huma għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa għal dan il-għan.

Artikolu 16

Konformità mar-regoli tas-suq

1.   Il-miżuri meħudin għall-prevenzjoni jew għall-mitigazzjoni ta' kriżijiet tal-elettriku għandhom jikkonformaw mar-regoli li jirregolaw is-suq intern tal-elettriku u t-tħaddim tas-sistemi.

2.   Il-miżuri mhux ibbażati fuq is-suq għandhom jiġu attivati fi kriżi tal-elettriku biss bħala l-aħħar alternattiva jekk ikunu ġew eżawriti l-għażliet kollha pprovduti mis-suq jew fejn ikun evidenti li l-miżuri ibbażati fuq is-suq waħedhom ma jkunux biżżejjed għall-prevenzjoni ta' deterjorament ulterjuri tas-sitwazzjoni tal-provvista tal-elettriku. Il-miżuri mhux ibbażati fuq is-suq ma għandhomx ifixklu indebitament il-kompetizzjoni u l-funzjonament effettiv tas-suq intern tal-elettriku. Għandhom ikunu neċessarji, proporzjonati, mhux diskriminatorji u temporanji. L-awtorità kompetenti għandha tinforma lill-partijiet ikkonċernati rilevanti fl-Istat Membru tagħha dwar l-applikazzjoni ta' kwalunkwe miżura mhux ibbażata fuq is-suq.

3.   It-tnaqqis ta' tranżazzjonijiet inkluż it-tnaqqis ta' kapaċità transżonali diġà allokata, il-limitazzjoni tal-provvista ta' kapaċità transżonali għall-allokazzjoni tal-kapaċità jew il-limitazzjoni tal-provvista ta' skedi għandhom jinbdew biss f'konformità mal-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2019/943, u mar-regoli adottati sabiex tiġi implimentata dik id-dispożizzjoni.

KAPITOLU V

Evalwazzjoni u monitoraġġ

Artikolu 17

Evalwazzjoni ex post

1.   Mill-aktar fis possibbli u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn tliet xhur wara t-tmiem ta' kriżi tal-elettriku, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li ddikjara l-kriżi tal-elettriku għandha tipprovdi rapport ta' evalwazzjoni ex post lill-ECG u lill-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-awtorità regolatorja fejn l-awtorità regolatorja ma tkunx l-awtorità kompetenti.

2.   Tal-anqas ir-rapport ta' evalwazzjoni ex post għandu jinkludi:

(a)

deskrizzjoni tal-avveniment li wassal għall-kriżi tal-elettriku;

(b)

deskrizzjoni ta' kulle miżura preventiva, preparatorja u ta' mitigazzjoni meħuda u valutazzjoni tal-proporzjonalità u tal-effikaċja tagħha;

(c)

valutazzjoni tal-impatt transfruntier tal-miżuri meħudin;

(d)

rendikont tal-assistenza mħejjija, kemm jekk b'attivazzjoni effettiva kif ukoll jekk mingħajr, ipprovduta lil, jew riċevuta minn, Stati Membri ġirien u pajjiżi terzi;

(e)

l-impatt ekonomiku tal-kriżi tal-elettriku u l-impatt tal-miżuri meħudin fuq is-settur tal-elettriku sal-punt permess mid-data disponibbli fiż-żmien tal-valutazzjoni, b'mod partikolari l-volumi ta' enerġija mhux servita u l-livell ta' skonnessjoni manwali tad-domanda (inkluż paragun bejn il-livell ta' skonnessjoni volontarja u skonnessjoni furzata tad-domanda);

(f)

raġunijiet li jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta' kwalunkwe miżura mhux ibbażata fuq is-suq;

(g)

kwalunkwe titjib possibbli jew titjib propost fil-pjan ta' tħejjija għar-riskji;

(h)

ħarsa ġenerali lejn titjib possibbli tal-iżvilupp tal-grilja f'każijiet fejn żvilupp insuffiċjenti tan-netwerk ikkawża jew ikkontribwixxa għall-kriżi tal-elettriku.

3.   Fejn iqisu li l-informazzjoni pprovduta fir-rapport ta' evalwazzjoni ex post mhijiex suffiċjenti, l-ECG u l-Kummissjoni jistgħu jitolbu li l-awtorità kompetenti kkonċernata tipprovdi informazzjoni addizzjonali.

4.   L-awtorità kompetenti kkonċernata għandha tippreżenta r-riżultati tal-evalwazzjoni ex post f'laqgħa tal-ECG. Dawk ir-riżultati għandhom ikunu riflessi fil-pjan aġġornat ta' tħejjija għar-riskji.

Artikolu 18

Monitoraġġ

1.   Minbarra li jwettaq kompiti oħrajn stipulati f'dan ir-Regolament, l-ECG għandu jiddiskuti:

(a)

ir-riżultati tal-pjan għal 10 snin ta' żvilupp tan-netwerks fl-elettriku imħejji mill-ENTSO għall-Elettriku;

(b)

il-koerenza tal-pjanijiet ta' tħejjija għar-riskji, adottati mill-awtoritajiet kompetenti skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 10;

(c)

ir-riżultati tal-valutazzjonijiet Ewropej tal-adegwatezza tar-riżorsi mwettqa mill-ENTSO għall-Elettriku kif imsemmi fl-Artikolu 23(4) tar-Regolament (UE) 2019/943;

(d)

il-prestazzjoni tal-Istati Membri fil-qasam tas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku b'kont meħud tal-anqas tal-indikaturi kkalkolati fil-valutazzjoni Ewropea tal-adegwatezza tar-riżorsi, jiġifieri l-enerġija mistennija mhux servita u t-telf bit-tagħbija mistenni;

(e)

ir-riżultati tal-valutazzjonijiet tal-adegwatezza staġjonali msemmija fl-Artikolu 9(2);

(f)

l-informazzjoni riċevuta mill-Istati Membri skont l-Artikolu 7(4);

(g)

ir-riżultati ta' evalwazzjoni ex post imsemmija fl-Artikolu 17(4);

(h)

il-metodoloġija għal valutazzjoni tal-adegwatezza għal terminu qasir imsemmija fl-Artikolu 8;

(i)

il-metodoloġija għall-identifikazzjoni ta' xenarji reġjonali ta' kriżi tal-elettriku msemmija fl-Artikolu 5.

2.   L-ECG jista' jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri kif ukoll lill-ENTSO għall-Elettriku b'relazzjoni mas-suġġetti msemmija fil-paragrafu 1.

3.   L-ACER għandha, fuq bażi kontinwa, timmonitorja s-sigurtà tal-miżuri ta' provvista tal-elettriku u għandha tirrapporta b'mod regolari lill-ECG.

4.   Sal-1 ta' Settembru 2025, il-Kummissjoni għandha, abbażi tal-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, tevalwa l-mezzi possibbli li permezz tagħhom tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku fil-livell tal-Unjoni u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, inklużi, fejn meħtieġ, proposti leġislattivi għall-emendar ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 19

Trattament ta' informazzjoni kunfidenzjali

1.   L-Istati Membri u l-awtoritajiet kompetenti għandhom jimplimentaw il-proċeduri msemmija f'dan ir-Regolament skont ir-regoli applikabbli, inklużi r-regoli nazzjonali relattivi għat-trattament ta' informazzjoni u proċessi kunfidenzjali. Jekk l-implimentazzjoni ta' dawk ir-regoli tirriżulta f'informazzjoni li ma tiġix żvelata, fost l-oħrajn bħala parti minn pjanijiet ta' tħejjija għar-riskji, l-Istat Membru jew l-awtorità jistgħu jipprovdu sommarju mhux kunfidenzjali tagħhom, u għandhom jagħmlu dan fuq talba.

2.   Il-Kummissjoni, l-ACER, l-ECG, l-ENTSO għall-Elettriku, l-Istati Membri, l-awtoritajiet kompetenti, l-awtoritajiet regolatorji u korpi, entitajiet jew persuni rilevanti oħra, li jirċievu informazzjoni kunfidenzjali skont dan ir-Regolament, għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni sensittiva.

KAPITOLU VI

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 20

Il-kooperazzjoni mal-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija

Fejn l-Istati Membri u l-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija jikkooperaw fil-qasam tas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku, tali kooperazzjoni tista' tinkludi d-definizzjoni ta' kriżi tal-elettriku, il-proċess tal-identifikazzjoni ta' xenarji ta' kriżi tal-elettriku u l-istabbiliment ta' pjanijiet ta' tħejjija għar-riskji sabiex ma tittieħed ebda miżura li tipperikola s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku tal-Istati Membri, tal-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija jew tal-Unjoni. F'dak ir-rigward, il-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija jistgħu, fuq stedina mill-Kummissjoni, jieħdu sehem fl-ECG fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha li jaffettwawhom.

Artikolu 21

Deroga

Sa meta Ċipru jiġi konness direttament ma' Stat Membru ieħor, l-Artikoli 6 u 12 u l-Artikolu 15(2) sa (9) m'għandhomx japplikaw la bejn Ċipru u Stati Membri oħra, u lanqas għall-ENTSO għall-Elettriku fir-rigward ta' Ċipru. Ċipru u Stati Membri rilevanti oħra jistgħu jiżviluppaw, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, miżuri u proċeduri alternattivi għal dawk previsti fl-Artikoli 6 u 12 u fl-Artikolu 15(2) sa (9), sakemm tali miżuri u proċeduri alternattivi ma jaffettwawx l-applikazzjoni effettiva ta' dan ir-Regolament bejn l-Istati Membri l-oħra.

Artikolu 22

Dispożizzjoni tranżizzjonali sa meta jiġu stabbiliti ċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali

Sad-data li fiha ċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali jiġu stabbiliti skont l-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2019/943, ir-reġjuni għandhom jirreferu lil Stat Membru jew lil grupp ta' Stati Membri li jinsabu fl-istess żona sinkronika.

Artikolu 23

Tħassir

Id-Direttiva 2005/89/KE hija mħassra.

Artikolu 24

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Ġunju 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  ĠU C 288, 31.8.2017, p. 91.

(2)  ĠU C 342, 12.10.2017, p. 79.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Marzu 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2019.

(4)  Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku (ara l-paġna 54 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(5)  Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ara l-paġna 125 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(6)  Direttiva 2005/89/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Jannar 2006 dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà fil-provvista tal-elettriku u tal-investiment fl-infrastruttura (ĠU L 33, 4.2.2006, p. 22).

(7)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1485 tat-2 ta' Awwissu 2017 li jistabbilixxi linja gwida dwar it-tħaddim tas-sistema ta' trażmissjoni tal-elettriku (ĠU L 220, 25.8.2017, p. 1).

(8)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/2196 tat-24 ta' Novembru 2017 li jistabbilixxi kodiċi tan-netwerk dwar l-emerġenza u r-restawr tal-elettriku (ĠU L 312, 28.11.2017, p. 54).

(9)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Novembru 2012 li twaqqaf Grupp ta' Koordinazzjoni tal-Elettriku (ĠU C 353, 17.11.2012, p. 2).

(10)  Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta' sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni (ĠU L 194, 19.7.2016, p. 1).

(11)  Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE tat-8 ta' Diċembru 2008 dwar l-identifikazzjoni u l-indikazzjoni tal-Infrastruttura Kritika Ewropea u l-valutazzjoni tal-ħtieġa għat-titjib tal-ħarsien tagħhom (ĠU L 345, 23.12.2008, p. 75).

(12)  Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 924).

(13)  Regolament (UE) 2019/942 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2019 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ara l-paġna 22 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(14)  Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2017 dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 994/2010 (ĠU L 280, 28.10.2017, p. 1).


ANNESS

MUDELL GĦAL PJAN TA' TĦEJJIJA GĦAR-RISKJI

Il-mudell li ġej għandu jimtela bl-Ingliż.

Tagħrif ġenerali

Isem tal-awtorità kompetenti responsabbli mit-tħejjija ta' dan il-pjan

Stati Membri fir-reġjun

1.   SOMMARJU TAX-XENARJI TA' KRIŻI TAL-ELETTRIKU

Iddeskrivi fil-qosor ix-xenarji ta' kriżi tal-elettriku identifikati fil-livell reġjonali u dak nazzjonali skont il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 6 u 7, inkluża deskrizzjoni tas-suppożizzjonijiet applikati.

2.   RWOLI U RESPONSABBILTAJIET TAL-AWTORITÀ KOMPETENTI

Iddefinixxi r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-awtorità kompetenti u tal-korpi li lilhom ġew iddelegati kompiti.

Iddeskrivi liema kompiti, jekk hemm, ġew iddelegati lil korpi oħrajn.

3.   PROĊEDURI U MIŻURI FIL-KRIŻI TAL-ELETTRIKU

3.1.   Proċeduri u miżuri nazzjonali

(a)

Iddeskrivi l-proċeduri li jridu jiġu segwiti fil-każijiet ta' kriżi tal-elettriku, inklużi l-iskemi korrispondenti dwar flussi tal-informazzjoni;

(b)

Iddeskrivi l-miżuri preventivi u preparatorji;

(c)

Iddeskrivi l-miżuri għall-mitigazzjoni ta' kriżijiet tal-elettriku, b'mod partikolari miżuri fin-naħa tad-domanda u fin-naħa tal-provvista, filwaqt li tindika f'liema ċirkustanzi jistgħu jintużaw dawn il-miżuri, speċjalment l-iskattatur ta' kull miżura. Fejn jiġu kkunsidrati miżuri mhux ibbażati fuq is-suq, dawn iridu jiġu debitament ġustifikati fid-dawl tar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 16 u jridu jikkonformaw ma' miżuri reġjonali u, fejn applikabbli, bilaterali;

(d)

Ipprovdi qafas għat-tneħħija manwali tat-tagħbija, filwaqt li tistipula f'liema ċirkostanzi t-tagħbija għandha titneħħa. Speċifika fir-rigward tas-sikurezza pubblika u s-sigurtà personali liema kategoriji ta' utenti tal-elettriku huma intitolati li jirċievu protezzjoni speċjali kontra skonnessjoni, u ġġustifika l-ħtieġa ta' tali protezzjoni. Ispeċifika kif l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni u l-operaturi tas-sistemi ta' distribuzzjoni għandhom jaġixxu sabiex inaqqsu l-konsum;

(e)

Iddeskrivi l-mekkaniżmi użati biex il-pubbliku jiġi informat dwar il-kriżi tal-elettriku.

3.2.   Proċeduri u miżuri reġjonali u bilaterali

(a)

Iddeskrivi l-mekkaniżmi miftiehma għall-kooperazzjoni fi ħdan ir-reġjun u biex tiġi żgurata koordinazzjoni xierqa qabel, u matul, il-kriżi tal-elettriku, inklużi l-proċeduri ta' teħid ta' deċiżjonijiet għal reazzjoni adatta fil-livell reġjonali;

(b)

Iddeskrivi kwalunkwe miżura reġjonali u bilaterali li dwarha sar qbil inkluż kwalunkwe arranġament tekniku, legali u finanzjarju meħtieġ għall-implimentazzjoni ta' dawk il-miżuri. Meta tiddeskrivi tali arranġamenti, ipprovdi informazzjoni dwar, fost l-oħrajn, il-kwantitajiet massimi ta' elettriku li għandu jitwassal fil-livell reġjonali jew bilaterali, l-iskattatur għall-assistenza u l-possibbiltà li tintalab is-sospensjoni tagħha, kif ser jitwassal l-elettriku, u d-dispożizzjonijiet dwar il-kumpens ġust bejn l-Istati Membri. Iddeskrivi l-miżuri nazzjonali meħtieġa għall-implimentazzjoni u l-infurzar tal-miżuri reġjonali u bilaterali maqbula;

(c)

Iddeskrivi l-mekkaniżmi fis-seħħ biex ikun hemm kooperazzjoni u koordinazzjoni ta' azzjonijiet, qabel, u matul, il-kriżi tal-elettriku, ma' Stati Membri oħrajn barra r-reġjun kif ukoll ma' pajjiżi terzi fi ħdan iż-żona sinkronika rilevanti.

4.   KOORDINATUR TAL-KRIŻI

Indika u ddefinixxi r-rwol tal-koordinatur tal-kriżi. Ispeċifika d-dettalji ta' kuntatt.

5.   KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI

Skont l-Artikolu 10(1), iddeskrivi l-mekkaniżmu użat għall-konsultazzjonijiet imwettqa u r-riżultati tagħhom, għall-iżvilupp ta' dan il-pjan, ma':

(a)

intrapriżi tal-elettriku u tal-gass naturali rilevanti, inklużi l-produtturi rilevanti jew il-korpi kummerċjali tagħhom;

(b)

organizzazzjonijiet rilevanti li jirrappreżentaw l-interessi ta' konsumaturi mhux industrijali tal-elettriku;

(c)

organizzazzjonijiet rilevanti li jirrappreżentaw l-interessi ta' konsumaturi industrijali tal-elettriku;

(d)

awtoritajiet regolatorji;

(e)

l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni;

(f)

operaturi tas-sistemi ta' distribuzzjoni rilevanti.

6.   TESTIJIET TA' EMERĠENZA

(a)

Indika l-kalendarju għas-simulazzjonijiet kull sentejn b'rispons f'ħin reali li jsiru fir-reġjun (u, jekk applikabbli anki fil-livell nazzjonali) ta' kriżijiet tal-elettriku;

(b)

Skont il-punt (d) tal-Artikolu 12(1), indika l-proċeduri miftiehma u l-atturi involuti.

Għall-aġġornamenti tal-pjan: iddeskrivi fil-qosor it-testijiet imwettqa minn mindu ġie adottat l-aħħar pjan u r-riżultati ewlenin. Indika liema miżuri ġew adottati b'riżultat ta' dawk it-testijiet.


14.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 158/22


REGOLAMENT (UE) 2019/942 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-5 ta' Ġunju 2019

li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija

(riformulazzjoni)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 194(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), li stabbilixxa l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER), ġie emendat b'mod sostanzjali (5). Billi għandhom isiru aktar emendi, dak ir-Regolament jenħtieġ li jiġi riformulat fl-interess taċ-ċarezza.

(2)

Il-ħolqien tal-ACER tejjeb b'mod evidenti l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet regolatorji fir-rigward ta' kwistjonijiet transfruntiera. Minn meta nħolqot, l-ACER ngħatat kompiti ġodda importanti b'rabta mal-monitoraġġ tas-swieq bl-ingrossa f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u b'rabta mal-oqsma tal-infrastruttura transfruntiera tal-enerġija f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) u tas-sigurtà tal-provvista tal-gass skont ir-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

(3)

Huwa mistenni li l-ħtieġa għal koordinazzjoni ta' azzjonijiet regolatorji nazzjonali se tkompli tiżdied fis-snin li ġejjin. Is-sistema tal-enerġija tal-Unjoni f'nofs l-aktar bidla profonda tagħha f'għexieren ta' snin. Integrazzjoni akbar tas-suq u l-bidla lejn produzzjoni aktar varjabbli tal-elettriku jeħtieġu aktar sforzi biex il-politiki nazzjonali tal-enerġija jiġu kkoordinati mal-ġirien u aktar sforzi biex jintużaw l-opportunitajiet tal-kummerċ transfruntier tal-elettriku.

(4)

L-esperjenza fl-implimentazzjoni tar-regoli tas-suq intern uriet li azzjoni mhux koordinata f'livell nazzjonali tista' twassal għal problemi serji fis-suq, b'mod partikolari f'oqsma li huma interkonnessi mill-qrib fejn id-deċiżjonijiet tal-Istati Membri spiss ikollhom impatt tanġibbli fuq il-ġirien tagħhom. Biex jinkisbu l-effetti pożittivi tas-suq intern tal-elettriku għall-benesseri tal-konsumatur, tas-sigurtà tal-provvista u tad-dekarbonizzazzjoni, l-Istati Membri, u b'mod partikolari l-awtoritajiet regolatorji indipendenti tagħhom, għandhom jikkooperaw b'rabta mal-miżuri regolatorji li għandhom effetti transfruntiera.

(5)

Interventi nazzjonali mill-istat frammentati fis-swieq tal-enerġija jikkostitwixxu riskju dejjem akbar għall-funzjonament tajjeb tas-swieq transfruntiera tal-elettriku. Għalhekk, l-ACER jenħtieġ li tingħata rwol fl-iżvilupp ta' valutazzjoni Ewropea kkoordinata tal-adegwatezza tar-riżorsi, f'kooperazzjoni mill-qrib man-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-sistemi ta' Trażmissjoni tal-Elettriku (“l-ENTSO tal-Elettriku”), sabiex jiġu evitati l-problemi ta' valutazzjonijiet nazzjonali frammentati li jsegwu metodi differenti u mhux koordinati u li ma jikkunsidrawx biżżejjed is-sitwazzjoni f'pajjiżi ġirien. L-ACER jenħtieġ li wkoll tissorvelja l-parametri tekniċi żviluppati mill-ENTSO tal-Elettriku għal parteċipazzjoni effiċjenti tal-kapaċitajiet transfruntiera u ta' karatteristiki tekniċi oħra ta' mekkaniżmi ta' kapaċità.

(6)

Minkejja l-progress sinifikanti fl-integrazzjoni u fl-interkonnessjoni tas-suq intern tal-elettriku, xi Stati Membri jew reġjuni xorta għadhom iżolati jew mhumiex interkonnessi biżżejjed, b'mod partikolari fir-rigward ta' Stati Membri insulari u Stati Membri li jinsabu fil-periferija tal-Unjoni. Fil-ħidma tagħha, jenħtieġ li l-ACER tqis is-sitwazzjoni speċifika ta' dawk l-Istati Membri jew reġjuni kif xieraq.

(7)

Is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku teħtieġ approċċ ikkoordinat bħala tħejjija kontra kriżijiet mhux mistennija fil-provvista. Għalhekk l-ACER jenħtieġ li tikkoordina l-azzjonijiet nazzjonali relatati mat-tħejjija għar-riskji, b'konformità mar-Regolament (UE) 2019/941 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

(8)

Minħabba l-interkonnessjoni mill-qrib tal-grilja elettrika tal-Unjoni u l-ħtieġa dejjem ikbar għal kooperazzjoni ma' pajjiżi ġirien biex tinżamm l-istabbiltà tal-grilja u biex jiġu integrati volumi kbar ta' enerġija rinnovabbli, iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali se jaqdu rwol importanti fil-koordinazzjoni ta' operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni. Fejn meħtieġ jeħtieġ li l-ACER tiggarantixxi s-sorveljanza regolatorja taċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali.

(9)

Billi partijiet kbar tal-kapaċità ta' ġenerazzjoni ġdida tal-elettriku se jiġu konnessi f'livell lokali, l-operaturi tas-sistemi ta' distribuzzjoni se jaqdu rwol importanti fit-tħaddim b'mod flessibbli u effiċjenti tas-sistema tal-Unjoni tal-elettriku.

(10)

L-Istati Membri jenħtieġ li jikkooperaw mill-qrib, filwaqt li jeliminaw ix-xkiel li hemm għall-iskambju transfruntier tal-elettriku u l-gass naturali bil-ħsieb li jintlaħqu l-objettivi tal-politika għall-enerġija tal-Unjoni. L-ACER ġiet imwaqqfa sabiex timla n-nuqqas regolatorju fil-livell tal-Unjoni u sabiex tikkontribwixxi għall-funzjonament effettiv tas-swieq interni tal-elettriku u tal-gass naturali. L-ACER tippermetti lill-awtoritajiet regolatorji jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom fuq livell tal-Unjoni u jipparteċipaw, fuq bażi komuni, fl-eżerċizzju ta' funzjonijiet marbuta mal-Unjoni.

(11)

L-ACER jenħtieġ li tiżgura li l-funzjonijiet regolatorji li jitwettqu mill-awtoritajiet regolatorji skont id-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) u d-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) ikunu kkoordinati sewwa, u fejn meħtieġ, jiġu kkompletati fil-livell tal-Unjoni. Għal dan il-għan, jeħtieġ li tiġi garantita l-indipendenza tal-ACER mill-produtturi tal-gass u tal-elettriku, l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni u l-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni, kemm jekk pubbliċi jew privati, u mill-konsumaturi u li tiġi żgurata l-konformità tal-attività tagħha mal-liġi tal-Unjoni, il-kapaċità teknika u regolatorja tagħha, kif ukoll it-trasparenza tagħha, is-soġġettibilità tagħha għall-kontroll demokratiku, inkluż id-dover ta' rendikont lill-Parlament Ewropew u l-effiċjenza tagħha.

(12)

L-ACER jenħtieġ li tissorvelja l-koperazzjoni reġjonali bejn l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni fis-setturi tal-elettriku u tal-gass kif ukoll fl-eżekuzzjoni tal-kompiti tan-Netwerk Ewropew għall-Operaturi ta' Sistemi ta' Trażmissjoni tal-Elettriku (ENTSO tal-Elettriku), u n-Netwerk Ewropew għall-Operaturi ta' Sistemi ta' Trasżmissjoni tal-Gass (ENTSO tal-Gass). L-ACER jenħtieġ li wkoll tissorvelja l-implimentazzjoni tal-kompiti ta' entitajiet oħra b'funzjonijiet regolati li jkopru l-Unjoni kollha, bħalma huma l-iskambji tal-enerġija. L-involviment tal-ACER huwa essenzjali sabiex jiġi żgurat li l-kooperazzjoni bejn l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni u l-operat ta' entitajiet oħra b'funzjonijiet fl-Unjoni kollha tipproċedi b'mod effiċjenti u trasparenti għall-benefiċċju tas-suq intern tal-elettriku u l-gass naturali.

(13)

L-awtoritajiet regolatorji jenħtieġ li jikkoordinaw bejniethom meta jwettqu l-kompiti tagħhom biex jiżguraw li l-ENTSO tal-Elettriku, l-entità Ewropea tal-Operaturi tas-Sistemi ta' Distribuzzjoni (“l-entità tal-UE għad-DSO”), u ċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont il-qafas regolatorju tas-suq intern tal-enerġija, u mad-deċiżjonijiet tal-ACER. Bl-espansjoni tar-responsabbiltajiet operattivi tal-ENTSO tal-Elettriku, l-entità tal-UE għad-DSO u ċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali, jeħtieġ li tittejjeb is-superviżjoni ta' tali entitajiet li joperaw fil-livell reġjonali jew tal-Unjoni kollha. Il-proċedura stabbilita b'dan ir-Regolament tiżgura li l-Aġenzija tappoġġja lill-awtoritajiet regolatorji meta jwettqu dawn il-funzjonijiet kif imsemmi fid-Direttiva (UE) 2019/944.

(14)

Sabiex jiġi żgurat li l-ACER jkollha l-informazzjoni li teħtieġ biex twettaq il-kompiti tagħha, jenħtieġ li l-ACER tkun tista' titlob u tirċievi dik l-informazzjoni mill-awtoritajiet regolatorji, mill-ENTSO tal-Elettriku, mill-ENTSO tal-Gass, miċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali, mill-entità tal-UE għad-DSO, mill-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni u mill-operaturi nominati tas-suq tal-elettriku.

(15)

L-ACER jenħtieġ li timmonitorja, b'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti, is-swieq interni tal-elettriku u l-gass naturali u tinforma fejn xieraq lill-Parlament Ewropew, lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali dwar ir-riżultati li jinkisbu. Dawk il-kompiti ta' monitoraġġ tal-ACER jenħtieġ li la jirrepetu u lanqas ifixklu l-monitoraġġ mill-Kummissjoni jew minn awtoritajiet nazzjonali, b'mod partikolari l-awtoritajiet għall-kompetizzjoni nazzjonali.

(16)

L-ACER tipprovdi qafas integrat li jippermetti lill-awtoritajiet regolatorji jipparteċipaw u jikkooperaw. Dak il-qafas jiffaċilita l-applikazzjoni uniformi tal-leġiżlazzjoni dwar is-suq intern tal-elettriku u tal-gass naturali madwar l-Unjoni kollha. Fir-rigward tas-sitwazzjonijiet li jikkonċernaw aktar minn Stat Membru wieħed, l-ACER ngħatat is-setgħa li tadotta deċiżjonijiet individwali. Dik is-setgħa jenħtieġ li, taħt kondizzjonijiet speċifikati b'mod ċar, tkopri kwistjonijiet tekniċi u regolatorji li jeħtieġu koordinazzjoni reġjonali, b'mod partikolari dawk b'rabta mal-implimentazzjoni ta' kodiċijiet tan-netwerk u linji gwida, il-kooperazzjoni fi ħdan iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali, id-deċiżjonijiet regolatorji meħtieġa għas-sorveljanza b'mod effettiv tal-integrità u t-trasparenza tas-suq tal-enerġija bl-ingrossa, id-deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-infrastruttura tal-elettriku u tal-gass naturali li tikkonnettja jew li tista' tikkonnettja tal-anqas żewġ Stati Membri, u, bħala l-aħħar rimedju, eżenzjonijiet mir-regoli tas-suq intern għal interkonnetturi ġodda tal-elettriku u għall-infrastrutturi ġodda tal-gass li jinsabu f'aktar minn Stat Membru wieħed.

(17)

Ir-reviżjoni tal-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida jkopru l-emendi li jeħtieġ li jsiru biex titqies l-evoluzzjoni tas-suq mingħajr ma jinbidlu b'mod sostanzjali dawk il-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida jew mingħajr ma jinħolqu kompetenzi ġodda tal-ACER.

(18)

L-ACER għandha rwol importanti fl-iżvilupp ta' linji gwida ta' qafas li ma jkunux vinkolanti min-natura tagħhom. Il-kodiċijiet tan-netwerk jenħtieġ li jkunu konformi ma' dawk il-linji gwida ta' qafas. Huwa wkoll meqjus xieraq, u konsistenti mal-fini tagħha, li l-ACER ikollha rwol fir-reviżjoni u l-emendar ta' abbozzi ta' kodiċijiet tan-netwerk sabiex tiġi żgurata l-konformità tagħhom mal-linji gwida ta' qafas u tipprevedi l-grad meħtieġ ta' armonizzazzjoni, qabel ma tippreżentahom lill-Kummissjoni għall-adozzjoni.

(19)

Bl-adozzjoni ta' sett ta' kodiċijiet tan-netwerk u linji gwida li jipprevedu implimentazzjoni gradwali u raffinar ulterjuri tar-regoli komuni reġjonali u għall-Unjoni kollha, ir-rwol tal-ACER fir-rigward tal-monitoraġġ u fil-kontribut għall-implimentazzjoni tal-kodiċijiet tan-netwerk u tal-linji gwida żdied. Il-monitoraġġ effettiv ta' kodiċijiet tan-netwerk u linji gwida huwa funzjoni ewlenija tal-ACER, u għandu funzjoni kruċjali għall-implimentazzjoni tar-regoli tas-suq intern.

(20)

Matul l-implimentazzjoni tal-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida, jidher li jkun utli li ssir simplifikazzjoni tal-proċedura għall-approvazzjoni regolatorja ta' termini u kondizzjonijiet jew ta' metodoloġiji reġjonali jew li jkopru l-Unjoni kollha li jiġu żviluppati skont il-linji gwida u l-kodiċijiet tan-netwerk billi jiġu ppreżentati direttament lill-ACER sabiex l-awtoritajiet regolatorji, rappreżentati fil-Bord tar-Regolaturi, ikunu jistgħu jiddeċiedu dwar tali termini u kondizzjonijiet u metodoloġiji.

(21)

Billi l-armonizzazzjoni gradwali tas-swieq tal-enerġija tal-Unjoni tinvolvi fuq bażi regolari s-sejba ta' soluzzjonijiet reġjonali bħala pass temporanju u jeħtieġ li jiġu approvati ħafna termini u kondizzjonijiet u metodoloġiji minn għadd limitat ta' awtoritajiet regolatorji għal reġjun speċifiku, huwa xieraq li tiġi riflessa d-dimensjoni reġjonali tas-suq intern f'dan ir-Regolament u li jiġu previsti mekkaniżmi ta' governanza xierqa. Id-deċiżjonijiet dwar il-proposti għal termini u kondizzjonijiet jew metodoloġiji reġjonali konġunti għalhekk jenħtieġ li jittieħdu mill-awtoritajiet regolatorji kompetenti tar-reġjun ikkonċernat, sakemm dawk id-deċiżjonijiet ma jkollhomx impatt tanġibbli fuq is-suq intern tal-enerġija lil hinn mir-reġjun ikkonċernat.

(22)

Ladarba l-ACER għandha kompitu ta' superviżjoni tal-awtoritajiet regolatorji, jenħtieġ li jkollha rwol ta' konsulenza fir-rigward tal-Kummissjoni, istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni u awtoritajiet regolatorji dwar il-kwistjonijiet li jirrigwardaw ir-raġunijiet li għaliha twaqqfet. Din jenħtieġ li tkun meħtieġa wkoll tinforma lill-Kummissjoni meta ssib li l-kooperazzjoni bejn l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni ma tipproduċix ir-riżultati meħtieġa jew meta awtorità regolatorja li d-deċiżjoni tagħha tmur kontra l-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida ma tkunx implimentat opinjoni, ir-rakkomandazzjoni jew id-deċiżjoni tal-ACER adegwatament.

(23)

L-ACER jenħtieġ li wkoll tkun tista' tagħmel rakkomandazzjonijiet biex tgħin lill-awtoritajiet regolatorji u l-parteċipanti fis-suq jaqsmu bejniethom prassi tajba.

(24)

L-ENTSO tal-Elettriku, l-ENTSO tal-Gass, l-entità tal-UE għad-DSO, l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni, iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali u l-operaturi nominati tas-suq elettriku jenħtieġ li jagħtu l-akbar konsiderazzjoni għall-opinjonijiet u mar-rakkomandazzjonijiet tal-ACER indirizzati lilhom skont dan ir-Regolament.

(25)

L-ACER jenħtieġ li, meta jkun xieraq, tikkonsulta lill-partijiet interessati u tipprovdilhom okkażjoni raġonevoli biex jikkummentaw dwar il-miżuri proposti, bħalma huwa l-abbozz tal-kodiċijiet u r-regoli tan-netwerks.

(26)

L-ACER jenħtieġ li tikkontribwixxi fl-implimentazzjoni tal-linji gwida għan-netwerks tal-enerġija trans-Ewropej kif stipulat fir-Regolament (UE) Nru 347/2013, b'mod partikolari meta tagħti l-opinjoni tagħha dwar il-pjanijiet ta' żvilupp tan-netwerk għal 10 snin għall-Unjoni kollha li mhumiex vinkolanti (pjanijiet għall-iżvilupp tan-netwerk għall-Unjoni kollha).

(27)

L-ACER jenħtieġ li tikkontribwixxi għall-isforzi sabiex tissaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija.

(28)

L-attivitajiet tal-ACER jenħtieġ li jkunu konsistenti mal-għanijiet u l-miri tal-Unjoni tal-Enerġija, li għandha ħames dimensjonijiet relatati mill-qrib u li jsaħħu lil xulxin tagħha, inkluża d-dekarbonizzazzjoni, kif deskritt fl-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12).

(29)

Bi qbil mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-ACER jenħtieġ li tadotta deċiżjonijiet individwali f'ċirkostanzi definiti b'mod ċar, dwar kwistjonijiet li huma strettament relatati mal-iskopijiet li għalihom l-ACER ġiet stabbilita.

(30)

Sabiex jiġi żgurat li l-qafas tal-ACER jkun effiċjenti u koerenti ma' aġenziji deċentralizzati oħra, ir-regoli li jirregolaw l-ACER jenħtieġ li ikunu allinjati mal-Approċċ Komuni maqbul bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea rigward l-aġenziji deċentralizzati (13) (Approċċ Komuni). Madankollu, safejn meħtieġ, l-istruttura tal-ACER jenħtieġ li tiġi adattata sabiex tissodisfa l-ħtiġijiet speċifiċi tar-regolamentazzjoni tal-enerġija. B'mod partikolari, l-irwol speċifiku tal-awtoritajiet regolatorji jeħtieġ li jitqies bis-sħiħ u l-indipendenza tagħhom jeħtieġ li tkun garantita.

(31)

Bidliet addizzjonali f'dan ir-Regolament jistgħu jiġu previsti fil-futur bl-għan li r-Regolament jinġieb konformi bis-sħiħ mal-Approċċ Komuni. Fuq il-bażi tal-ħtiġijiet attwali tar-regolamentazzjoni tal-enerġija, jenħtieġ li jkun hemm devjazzjonijiet mill-Approċċ Komuni. Il-Kummissjoni jenħtieġ li twettaq evalwazzjoni biex tivvaluta l-prestazzjoni tal-ACER b'rabta mal-għanijiet, il-mandat u l-kompiti tal-ACER u, wara dik l-evalwazzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista' tipproponi emendi għal dan ir-Regolament.

(32)

Il-Bord tal-Amministrazzjoni jenħtieġ li jkollu s-setgħat meħtieġa sabiex jistabbilixxi l-baġit, jivverifika l-implimentazzjoni tiegħu, ifassal regoli interni, jadotta regolamenti finanzjarji u jaħtar Direttur. Jenħtieġ li tintuża sistema ta' rotazzjoni għat-tiġdid tal-membri tal-Bord tal-Amministrazzjoni li jinħatru mill-Kunsill sabiex tiġi żgurata parteċipazzjoni bbilanċjata tal-Istati Membri matul iż-żmien. Il-Bord tal-Amministrazzjoni jenħtieġ li jaġixxi b'mod indipendenti u oġġettiv fl-interess pubbliku u jenħtieġ li la jfittex u lanqas isegwi istruzzjonijiet politiċi.

(33)

L-ACER jenħtieġ li jkollha s-setgħat meħtieġa biex twettaq il-funzjonijiet regolatorji tagħha b'mod effiċjenti, trasparenti, raġunat u fuq kollox indipendenti. L-indipendenza tal-ACER mill-produtturi tal-elettriku u l-gass u mill-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni u l-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni kif ukoll minn interessi privati u korporattivi oħrajn mhux biss hija prinċipju ewlieni ta' governanza tajba, iżda wkoll kondizzjoni fundamentali biex tiġi żgurata l-fiduċja fis-suq. Mingħajr preġudizzju għall-membri tiegħu li jaġixxu f'isem l-awtoritajiet nazzjonali rispettivi tagħhom, il-Bord tar-Regolaturi jenħtieġ li għalhekk jaġixxi indipendentement minn kull interess tas-suq, jevita konflitti ta' interess u jenħtieġ li la jfittex u lanqas isegwi istruzzjonijiet jew jaċċetta rakkomandazzjonijiet minn gvern ta' xi Stat Membru, minn istituzzjonijiet tal-Unjoni jew minn entità jew persuna pubblika jew privata oħra. Jenħtieġ li d-deċiżjonijiet tal-Bord tar-Regolaturi, fl-istess ħin, jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni li tirrigwarda l-enerġija, bħas-suq intern tal-enerġija, l-ambjent u l-kompetizzjoni. lI-Bord tar-Regolaturi jenħtieġ li jirrapporta l-opinjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tiegħu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

(34)

Fejn l-ACER ikollha s-setgħa sabiex tieħu deċiżjonijiet, għal finijiet ta' ekonomija proċedurali, il-partijiet interessati jenħtieġ li jingħataw id-dritt ta' appell lil Bord tal-Appell, li jenħtieġ li jkun parti mill-ACER, iżda li jkun indipendenti mill-istruttura amministrattiva u regolatorja tagħha. Sabiex jiġu garantiti l-funzjonament u l-indipendenza sħiħa tiegħu, il-Bord tal-Appell jenħtieġ li jkollha linja baġitarja separata fil-baġit tal-ACER. Fl-interess tal-kontinwità, il-ħatra jew it-tiġdid tal-membri tal-Bord tal-Appell jenħtieġ li tippermetti li tkun tista' ssir sostituzzjoni parzjali tal-membri tal-Bord tal-Appell. Id-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell jistgħu jkunu suġġetti għal appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-Qorti tal-Ġustizzja).

(35)

L-ACER jenħtieġ li teżerċita s-setgħat tagħha ta' teħid ta' deċiżjonijiet f'konformità mal-prinċipji ta' teħid ta' deċiżjonijiet ġusti, trasparenti u raġonevoli. Ir-regoli proċedurali tal-ACER jenħtieġ li jiġu stabbiliti fir-regoli ta' proċedura tagħha.

(36)

Id-Direttur jenħtieġ li jkun responsabbli għall-abbozzar u l-adozzjoni ta' dokumenti li jkun fihom opinjonijiet, rakkomandazzjonijiet u deċiżjonijiet. Jenħtieġ li ċerti opinjonijiet, rakkomandazzjonijiet u deċiżjonijiet imsemmija fil- punt (a) tal-Artikolu 22(5) u l-Artikolu 24(2) jeħtieġu l-opinjoni favorevoli tal-Bord tar-Regolaturi qabel ma jiġu adottati. Il-Bord tar-Regolaturi jenħtieġ li jkun jista' jagħti opinjonijiet dwar, u, fejn xieraq, kummenti dwar u emendi għall-proposti ta' test tad-Direttur, li d-Direttur jenħtieġ li jikkunsidra. Fejn id-Direttur jiddevja mill-kummenti u l-emendi ppreżentati mill-Bord tar-Regolaturi, jew jekk jirrifjutahom, id-Direttur jenħtieġ li jipprovdi motivazzjoni debitament iġġustifikata bil-miktub biex jiffaċilita djalogu kostruttiv. Jekk il-Bord tar-Regolaturi ma jagħtix opinjoni favorevoli dwar test ippreżentat mill-ġdid, id-Direttur jenħtieġ li jkollu l-possibbilta' li jirrevedi t-test ulterjorment f'konformità mal-emendi u l-kummenti proposti mill-Bord tar-Regolaturi, sabiex jikseb l-opinjoni favorevoli tagħhom. Id-Direttur jenħtieġ li jkollu l-possibbilta' li jirtira l-abbozz ta' opinjonijiet, rakkomandazzjonijiet u deċiżjonijiet fejn id-Direttur ma jaqbilx mal-emendi ppreżentati mill-Bord tar-Regolaturi u joħroġ test ġdid skont ċerti proċeduri msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 22(5) u l-Artikolu 24(2). Id-Direttur jenħtieġ li jkollu l-possibbiltà li jfittex l-opinjoni favorevoli tal-Bord tar-Regolaturi dwar abbozz ta' test ġdid jew rivedut fi kwalunkwe stadju tal-proċedura.

(37)

L-ACER jenħtieġ li jkollha r-riżorsi xierqa biex twettaq il-kompiti tagħha. L-ACER jenħtieġ li tkun iffinanzjata prinċipalment mill-baġit ġenerali tal-Unjoni. Id-drittijiet itejbu l-finanzjament tal-ACER u jenħtieġ li jkopru l-ispejjeż tagħha fir-rigward ta' servizzi pprovduti lil parteċipanti fis-suq jew entitajiet li jaġixxu f'isimhom biex ikunu jistgħu jirrapportaw data skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011 b'mod effiċjenti, effettiv u sikur. Ir-riżorsi li attwalment joffru l-awtoritajiet regolatorji għall-kooperazzjoni tagħhom fil-livell tal-Unjoni jenħtieġ li jibqgħu disponibbli għall-ACER. Il-proċedura baġitarja tal-Unjoni jenħtieġ li tibqa' applikabbli sakemm tikkonċerna kwalunkwe sussidju li għandu jitħallas mill-baġit ġenerali tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-ivverifikar tal-kontijiet jenħtieġ li jsir minn awditur estern indipendenti bi qbil mal-Artikolu 107 tar- Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 (14).

(38)

Il-baġit tal-ACER jenħtieġ li jiġi evalwat mill-awtorità baġitarja fuq bażi kontinwa, b'referenza għall-ammont ta' xogħol tal-ACER, għall-prestazzjoni tal-ACER u għall-objettivi tal-ACER li taħdem favur suq intern tal-enerġija u tikkontribwixxi għas-sigurtà tal-enerġija għall-benefiċċju tal-konsumaturi fl-Unjoni. L-awtorità baġitarja jenħtieġ li tiżgura li jintlaħqu l-aħjar standards ta' effiċjenza.

(39)

Iċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea (“iċ-Ċentru”) jenħtieġ li jipprovdi traduzzjoni għall-Aġenziji tal-Unjoni. Jekk l-ACER tesperjenza diffikultajiet partikolari bis-servizzi taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni, l-ACER jenħtieġ li jkollha l-possibbiltà li tinvoka l-mekkaniżmu ta' rikors stabbilit fl-att fundatur tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2965/94 (15), li fl-aħħar mill-aħħar jista' jirriżulta f'rikors għal fornituri oħrajn tas-servizz taħt l-awspiċji taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni.

(40)

L-ACER jenħtieġ li jkollha persunal ta' professjonalità għolja. B'mod partikolari, jenħtieġ li tgawdi mill-kompetenza u l-esperjenza ta' persunal issekondat mill-awtoritajiet regolatorji, mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri. Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (“ir-Regolamenti tal-Persunal”) u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta' impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej (“il-Kondizzjonijiet tal-impjieg”), stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (16) u r-regoli adottati b'mod konġunt mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni għall-iskop tal-applikazzjoni ta' dawk ir-regolamenti jenħtieġ li japplikaw għall-persunal tal-ACER. Il-Bord tal-Amministrazzjoni, bi ftehim mal-Kummissjoni, jenħtieġ li jadotta l-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni.

(41)

Jenħtieġ li jkun possibbli għall-ħidma regolatorja tad-Direttur u tal-Bord tar-Regolaturi skont dan ir-Regolament li tiġi appoġġata minn gruppi ta' ħidma.

(42)

L-ACERa jenħtieġ li tapplika r-regoli ġenerali rigward l-aċċess pubbliku għad-dokumenti miżmumin mill-korpi tal-Unjoni. Il-Bord tal-Amministrazzjoni jenħtieġ li jistabbilixxi l-miżuri prattiċi sabiex titħares id-data kummerċjalment sensittiva u d-data personali.

(43)

Permezz tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet regolatorji fi ħdan l-ACER, jidher b'mod evidenti li d-deċiżjonijiet ta' maġġoranza huma prerekwiżit ewlieni għall-ksib ta' progress fi kwistjonijiet li jikkonċernaw is-suq intern tal-enerġija li għandhom effetti ekonomiċi sinifikanti f'diversi Stati Membri. Għalhekk, l-awtoritajiet regolatorji jenħtieġ li jkomplu jivvutaw abbażi ta' maġġoranza ta' żewġ terzi fil-Bord tar-Regolaturi. L-ACER jenħtieġ li tkun responabbli lejn il-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, skont kif ikun xieraq,

(44)

Il-pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni jenħtieġ li jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-ħidma tal-ACER b'konformità ma' ftehimiet xierqa li għandhom jiġu konklużi mill-Unjoni.

(45)

Ladarba l-objettivi ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-kooperazzjoni tal-awtoritajiet regolatorji fil-livell tal-Unjoni u l-parteċipazzjoni tagħhom fl-eżerċizzju ta' funzjonijiet relatati mal-Unjoni, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, b'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi.

(46)

Is-sede tal-ACER tinsab f'Ljubljana, kif stabbilit bid-Deċiżjoni 2009/913/UE (17). Is-sede tal-ACER hija ċ-ċentru tal-attivitajiet u tal-funzjonijiet statutorji tagħha.

(47)

L-Istat Membru ospitanti tal-ACER jenħtieġ li jipprovdi l-aħjar kondizzjonijiet possibbli biex ikun żgurat it-tħaddim bla xkiel u effiċjenti tal-ACER, inklużi edukazzjoni multilingwistika orjentata lejn l-Ewropa u konnessjonijiet ta' trasport xierqa. Il-Ftehim dwar is-Sede bejn il-Gvern tar-Repubblika tas-Slovenja u l-ACER li jkopri dawk ir-rekwiżiti flimkien mal-arranġamenti ta' implimentazzjoni tiegħu, ġie konkluż fis-26 ta' Novembru 2010 u daħal fis-seħħ fl-10 ta' Jannar 2011,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Kapitolu I

Għanijiet u kompiti

Artikolu 1

Stabbiliment u għanijiet

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (l-ACER).

2.   L-għan tal-ACER għandu jkun li tgħin lill-awtoritajiet regolatorji msemmija fl-Artikolu 57 tad-Direttiva (UE) 2019/944 u l-Artikolu 39 tad-Direttiva 2009/73/KE fl-eżerċizzju, fil-livell tal-Unjoni, tal-kompiti regolatorji mwettqa fl-Istati Membri u, fejn ikun meħtieġ, li tikkoordina l-azzjonijiet tagħhom u tagħmilha ta' medjatriċi u ssolvi n-nuqqas ta' qbil bejniethom, bi qbil mal-Artikolu 6(10) ta' dan ir-Regolament. L-ACER għandha tikkontribwixxi wkoll għall-istabbiliment ta' prattiki regolatorji u superviżorji komuni ta' kwalità għolja, u b'hekk tikkontribwixxi għall-applikazzjoni konsistenti, effiċjenti u effettiva tal-liġi tal-Unjoni sabiex jintlaħqu l-miri tal-Unjoni dwar il-klima u l-enerġija.

3.   Fit-twettiq tal-kompiti tagħha, l-ACER għandha taġixxi b'mod indipendenti, oġġettiv u fl-interess tal-Unjoni. L-ACER għandha tieħu deċiżjonijiet awtonomi, b'mod indipendenti minn interessi privati u korporattivi.

Artikolu 2

Tipi ta' atti tal-ACER

L-ACER għandha:

(a)

tagħti opinjonijiet u tagħmel rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni, lill-ENTSO tal-Elettriku, lill-ENTSO tal-Gass, lill-entità tal-UE għad-DSO, liċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali u lill-operaturi nominati tas-suq tal-elettriku;

(b)

tagħti opinjonijiet u tagħmel rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-awtoritajiet regolatorji;

(c)

toħroġ opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, jew lill-Kummissjoni;

(d)

toħroġ deċiżjonijiet individwali dwar il-forniment ta' informazzjoni skont l-Artikolu 3(2), il-punt (b) tal-Artikolu 7(2) u l-punt (c) tal-Artikolu 8; dwar l-approvazzjoni tal-metodoloġiji, it-termini u l-kondizzjonijiet skont l-Artikolu 4(4), l-Artikolu 5(2), (3) u (4); dwar ir-rieżami taż-żoni tal-offerti kif imsemmi fl-Artikolu 5(6); dwar kwistjonijiet tekniċi kif imsemmi fl-Artikolu 6(1); dwar l-arbitraġġ fost ir-regolaturi skont l-Artikolu 6(10); relatati ma' kompiti taċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 7(2); dwar l-approvazzjoni u l-emendar tal-metodoloġiji u l-kalkoli l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi kif imsemmi fl-9(1); dwar l-approvazzjoni u l-emendar ta' metodoloġiji kif imsemmi fl-Artikolu 9(3); dwar eżenzjonijiet kif imsemmi fl-Artikolu 10: dwar infrastruttura kif imsemmi fil-punt (d) tal-Artikolu 11; u dwar kwistjonijiet relatati mal-integrità u t-trasparenza tas-suq bl-ingrossa skont l-Artikolu 12.

(e)

tippreżenta linji gwida ta' qafas mhux vinkolanti lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 59 tar-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18) u l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19).

Artikolu 3

Kompiti ġenerali

1.   L-ACER tista', fuq talba tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, tagħti opinjoni jew rakkomandazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe kwistjoni relatata mal-iskop li ġiet stabbilita għalih.

2.   Fuq talba tal-ACER, l-awtoritajiet regolatorji, l-ENTSO tal-Elettriku, lill-ENTSO tal-Gass, iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali, l-entità tal-UE għad-DSO, l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni u l-operaturi nominati tas-suq tal-elettriku għandhom jipprovdu lill-ACER l-informazzjoni meħtieġa għall-fini tat-twettiq tal-kompiti tal-ACER skont dan ir-Regolament, sakemm l-ACER ma tkunx diġà talbet u rċeviet tali informazzjoni.

Bl-għan tat-talbiet għal informazzjoni kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, l-ACER għandu jkollha s-setgħa li toħroġ deċiżjonijiet. Fid-deċiżjonijiet tagħha l-ACER għandha tispeċifika l-fini tat-talba tagħha, għandha tagħmel referenza għall-bażi legali li permezz tagħha l-informazzjoni hija mitluba, u għandha tiddikjara l-limitu ta' żmien li sal-iskadenza tiegħu l-informazzjoni għandha tiġi provduta. Dak il-limitu ta' żmien għandu jkun proporzjonat għat-talba.

L-ACER għandha tuża l-informazzjoni kunfidenzjali li tirċievi skont dan ir-Regolament għall-fini biss li twettaq il-kompiti assenjati lilha f'dan ir-Regolament. L-ACER għandha tiżgura l-protezzjoni xierqa tad-data tal-informazzjoni skont l-Artikolu 41.

Artikolu 4

Kompiti tal-ACER fir-rigward tal-kooperazzjoni tal-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni u tal-operaturi tas-sistemi ta' distribuzzjoni tal-elettriku

1.   L-ACER għandha tagħti opinjoni lill-Kummissjoni dwar l-abbozz ta' statuti, il-lista ta' membri u l-abbozz tar-regoli ta' proċedura tal-ENTSO tal-Elettriku f'konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regolament (UE) 2019/943 u dwar dawk tal-ENTSO tal-Gass f'konformità mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 u dwar dawk tal-entità tal-EU għad-DSO f'konformità mal-Artikolu 53(3) tar-Regolament (UE) 2019/943.

2.   L-ACER għandha tissorvelja t-twettiq tal-kompiti tal-ENTSO tal-Elettriku skont l-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2019/943, tal-ENTSO tal-Gass skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 kif ukoll tal-entità tal-UE għad-DSO kif stipulat fl-Artikolu 55 tar-Regolament (UE) 2019/943.

3.   L-ACER tista' tagħti opinjoni:

(a)

lill-ENTSO tal-Elettriku skont il-punt (a) tal-Artikolu 30(1) tar-Regolament (UE) 2019/943 u lill-ENTSO tal-Gass skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 dwar il-kodiċijiet tan-netwerk;

(b)

lill-ENTSO tal-Elettriku skont l-ewwel subpragrafu tal-Artikolu 322) tar-Regolament (UE) 2019/943, kif ukoll lill-ENTSO tal-Gass skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 dwar l-abbozz ta' programm annwali ta' xogħol, dwar l-abbozz tal-pjan ta' żvilupp tan-netwerk għall-Unjoni kollha u d-dokumenti rilevanti l-oħra li jirreferi għalihom l-Artikolu 30(1) tar-Regolament (UE) 2019/943 u l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009, filwaqt li jitqiesu l-għanijiet ta' nondiskriminazzjoni, il-kompetizzjoni effettiva u l-funzjonament effiċjenti u sikur tas-suq intern tal-elettriku u tal-gass naturali;

(c)

lill-entità tal-UE għad-DSO dwar l-abbozz tal-programm ta' ħidma annwali u dokumenti rilevanti oħrajn imsemmija fl-Artikolu 55(2) tar-Regolament (UE) 2019/943, b'kont meħud tal-objettivi ta' nondiskriminazzjoni, kompetizzjoni effettiva u l-funzjonament effiċjenti u sikur tas-suq intern tal-elettriku.

4.   L-ACER għandha, fejn ikun xieraq, wara li titlob aġġornamenti għall-abbozzi ppreżentati mill-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni, tapprova l-metodoloġija rigward l-użu tad-dħul mill-konġestjoni skont l-Artikolu 19(4) tar-Regolament (UE) 2019/943.

5.   L-ACER għandha, abbażi tal-fatti, tagħti opinjoni ġustifikata kif xieraq kif ukoll rakkomandazzjonijiet lill-ENTSO tal-Elettriku, lill-ENTSO tal-Gass, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni fejn hija tqis li l-abbozz ta' programm ta' ħidma annwali jew l-abbozz tal-pjan ta' żvilupp tan-netwerk għall-Unjoni kollha ppreżentat lilha b'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 32(2) tar-Regolament (UE) 2019/943 u mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 ma jikkontribwixxux għan-nondiskriminazzjoni, għall-kompetizzjoni effettiva u għall-funzjonament effiċjenti tas-suq jew għal livell suffiċjenti ta' interkonnessjoni transfruntiera miftuħa għall-aċċess ta' partijiet terzi, jew mhumiex f'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) 2019/943 u d-Direttiva (UE) 2019/944 jew id-Direttiva 2009/73/KE u mar-Regolament (KE) Nru 715/2009.

6.   L-awtoritajiet regolatorji rilevanti għandhom jikkoordinaw sabiex b'mod konġunt jidentifikaw jekk l-entità tal-UE għad-DSO, l-ENTSO tal-Elettriku jew iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali ma jkunux konformi mal-obbligi tagħhom skont il-liġi tal-Unjoni u jieħdu azzjoni xierqa skont il-punt (c) tal-l-Artikolu 59(1) u l-punt (f) tal-Artikolu 62(1) tad-Direttiva (UE) 2019/944.

Fuq talba ta' awtorità regolatorja waħda jew aktar jew fuq inizjattiva tagħha stess, l-ACER għandha toħroġ opinjoni motivata kif ukoll rakkomandazzjoni lill-ENTSO tal-Elettriku, lill-entità tal-UE għad-DSO jew liċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali fir-rigward tal-konformità mal-obbligi tagħhom.

7.   Fejn opinjoni motivata tal-ACER tidentifika każ ta' nuqqas ta' konformità potenzjali tal-ENTSO tal-Elettriku, tal-entità tal-UE għad-DSO jew ta' ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali mal-obbligi rispettivi tagħhom, l-awtoritajiet regolatorji kkonċernati għandhom, unanimament jieħdu deċiżjonijiet koordinati, li jistabbilixxu jekk hemmx nuqqas ta' konformità tal-obbligi relevanti u, fejn applikabbli, liema miżuri għandhom jittieħdu mill-ENTSO tal-Elettriku, l-entità tal-UE għad-DSO jew minn ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali biex jirrimedjaw dik in-nuqqas ta' konformità. Fejn l-awtoritajiet regolatorji jonqsu milli jilħqu ftehim dwar dawn id-deċiżjonijiet ikkoordinati unanimament fi żmien erba' xhur mid-data tal-ħruġ tal-opinjoni motivata tal-ACER, il-kwistjoni għandha tiġi rriferuta lill-ACER għal deċiżjoni, skont l-Artikolu 6(10).

8.   Fejn in-nuqqas ta' konformità mill-ENTSO tal-Elettriku, l-entità tal-UE għad-DSO jew ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali, li ġiet identifikata f'konformità mal-paragrafi 6 jew 7 ta' dan l-Artikolu, ma tkunx ġiet rimedjata fi żmien tliet xhur, jew fejn l-awtorità regolatorja fl-Istat Membru fi fih l-entità jkollha s-sede tagħha ma tkunx ħadet azzjoni biex tiżgura l-konformità mad-deċiżjonijiet koordinati meħuda f'konformità mal-paragrafu 7 ta' dan l-Artikolu, l-ACER għandha toħroġ rakkomandazzjoni lill-awtorità regolatorja biex tieħu azzjoni, f'konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 59(1) u l-punt (f) tal-Artikolu 62(1) tad-Direttiva (UE) 2019/944, sabiex tiżgura li l-ENTSO tal-Elettriku, l-entità tal-UE għad-DSO jew iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali jikkonformaw mal-obbligi tagħhom, u għandha tinforma lill-Kummissjoni b'dik ir-rakkomandazzjoni.

Artikolu 5

Kompiti tal-ACER fir-rigward tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-kodiċijiet tan-netwerks u tal-linji gwida

1.   L-ACER għandha tipparteċipa fl-iżvilupp ta' kodiċijiet tan-netwerks skont l-Artikolu 59 tar-Regolament (UE) 2019/943 u l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 u tal-Linji gwida skont l-Artikolu 61(6) tar-Regolament (UE) 2019/943. B'mod partikolari din għandha:

(a)

tippreżenta lill-Kummissjoni linji gwida ta' qafas mhux vinkolanti meta tiġi mitluba tagħmel hekk skont l-Artikolu 59(4) tar-Regolament (UE) 2019/943 jew l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009. L-ACER għandha tirrevedi l-linji gwida ta' qafas u meta tintalab għandha terġa' tippreżentahom lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 59(7) tar-Regolament (UE) 2019/943 jew l-Artikolu 6(4) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009;

(b)

tippreżenta opinjoni ġustifikata lill-ENTSO tal-Gass dwar il-kodiċi għan-netwerks skont l-Artikolu 6(7) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009;

(c)

tirrivedi l-kodiċi għan-netwerk skont l-Artikolu 59(11) tar-Regolament (UE) 2019/943 u l-Artikolu 6(9) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009. Fir-reviżjoni tagħha, l-ACER għandha tqis l-opinjonijiet mogħtija mill-partijiet kollha involuti waqt l-abbozzar ta' dik l-proposta mmexxi mill-ENTSO tal-Elettriku, l-ENTSO tal-Gass jew mill-entità tal-UE għad-DSO, u għandha tikkonsulta lill-partijiet ikkonċernati rilevanti dwar il-verżjoni li trid tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni. Għal dan l-għan, l-ACER tista' tuża l-kumitat stabbilit taħt il-kodiċijiet tan-netwerk fejn adatt. L-ACER għandha tirrapporta lill-Kummissjoni dwar ir-riżultat tal-konsultazzjonijiet. Sussegwentement, l-ACER għandha tippreżenta l-kodiċi rivedut tan-netwerk lill-Kummissjoni f'konformità mal-Artikolu 55(11) tar-Regolament (UE) 2019/943 u l-Artikolu 6(9) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009. Meta l-ENTSO tal-Elettriku, l-ENTSO tal-Gass jew l-entità tal-UE għad-DSO jkunu naqsu milli jiżviluppaw kodiċi tan-netwerk, l-ACER għandha tħejji u tippreżenta lill-Kummissjoni abbozz ta' kodiċi għan-netwerk fejn mitluba tagħmel dan skont l-Artikolu 59(12) tar-Regolament (UE) 2019/943 jew l-Artikolu 6(10) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009;

(d)

tagħti opinjoni debitament raġunata lill-Kummissjoni, b'konformità mal-Artikolu 32(1) tar-Regolament (UE) 2019/943 jew l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009, fejn l-ENTSO tal-Elettriku jew l-ENTSO tal-Gass ikun naqas milli jimplimenta kodiċi tan-netwerk imfassal b'konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 30(1) tar-Regolament (UE) 2019/943 jew l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 jew kodiċi tan-netwerk li jkun ġie stabbilit b'konformità mal-Artikolu 59(3) sa (12) tar-Regolament (UE) 2019/943 u l-Artikolu 6(1) sa (10) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 iżda li ma ġiex adottat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 59(13) tar-Regolament (UE) 2019/943 u skont l-Artikolu 6(11) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009.

(e)

tissorvelja u tanalizza l-implimentazzjoni tal-kodiċijiet tan-netwerk adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 59 tar-Regolament (UE) 2019/943 u l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 u l-linji gwida adottati skont l-Artikolu 61 tar-Regolament (UE) 2019/943, u l-effett tagħhom fuq l-armonizzazzjoni ta' regoli applikabbli maħsuba sabiex jiffaċilitaw l-integrazzjoni tas-suq kif ukoll fuq in-nondiskriminazzjoni, fuq il-kompetizzjoni effettiva u fuq il-funzjonament effiċjenti tas-suq, u tirrapporta lill-Kummissjoni.

2.   Fejn wieħed mill-atti legali li ġejjin jipprovdi għall-iżvilupp ta' proposti għal termini u kondizzjonijiet jew metodoloġiji komuni għall-implimentazzjoni ta' dawk il-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida li jeħtieġu l-approvazzjoni tal-awtoritajiet regolatorji kollha, dawk il-proposti għat-termini u l-kondizzjonijiet jew il-metodoloġiji komuni għandhom jiġu ppreżentati lill-ACER għal reviżjoni u approvazzjoni:

(a)

att leġislattiv tal-Unjoni adottat skont il-proċedura leġislattiva ordinarja;

(b)

il-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida adottati qabel l-4 ta' Lulju 2019 u reviżjonijiet sussegwenti ta' dawk il-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida; jew

(c)

il-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida adottati bħala atti ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20).

3.   Fejn wieħed mill-atti legali li ġejjin jipprovdi għall-iżvilupp ta' proposti għal termini u kondizzjonijiet jew metodoloġiji għall-implimentazzjoni tal-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida li jeħtieġu l-approvazzjoni mill-awtoritajiet regolatorji kollha tar-reġjun ikkonċernat, dawk l-awtoritajiet regolatorji għandhom jilħqu ftehim b'unanimità dwar it-termini u l-kondizzjonijiet jew metodoloġiji li għandhom jiġu approvati minn kull waħda minn dawk l-awtoritajiet regolatorji:

(a)

att leġislattiv tal-Unjoni adottat skont il-proċedura leġislattiva ordinarja;

(b)

il-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida li ġew adottati qabel l-4 ta' Lulju 2019 u reviżjonijiet sussegwenti ta' dawk il-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida;, jew

(c)

il-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida adottati bħala atti ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Il-proposti msemmijin fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu notifikati lill-ACER fi żmien ġimgħa mill-preżentazzjoni tagħhom lil dawk l-awtoritajiet regolatorji. L-awtoritajiet regolatorji jistgħu jirreferu il-proposti lill-ACER għall-approvazzjoni skont il-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(10) u għandhom jagħmlu dan skont il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(10) fejn m'hemm l-ebda ftehim unanimu kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu.

Id-Direttur jew il-Bord tar-Regolaturi, li jaġixxi fuq inizjattiva proprja jew fuq proposta ta' membru wieħed jew aktar tiegħu, jista' jeħtieġ li l-awtoritajiet regolatorji tar-reġjun ikkonċernat jirreferu l-proposta lill-ACER għall-approvazzjoni. Tali talba għandha tkun limitata għal każijiet fejn il-proposta maqbula reġjonalment ikollha impatt tanġibbli fuq is-suq intern tal-enerġija jew fuq is-sikurezza tal-provvista lil hinn mir-reġjun.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 2 u 3, l-ACER għandha tkun kompetenti biex tieħu deċiżjoni skont l-Artikolu 6(10) fejn l-awtoritajiet regolatorji kompetenti ma jaqblux fuq termini u kondizzjonijiet jew metodoloġiji għall-implimentazzjoni ta' kodiċijiet tan-netwerk u linji gwida ġodda adottati wara l-4 ta' Lulju 2019 bħala atti delegati, fejn dawk it-termini u l-kondizzjonijiet jew metodoloġiji jeħtieġu l-approvazzjoni mill-awtoritajiet regolatorji kollha jew mill-awtoritajiet regolatorji kollha tar-reġjun ikkonċernat.

5.   Sal-31 ta' Ottubru 2023, u kull tliet snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-ħtieġa possibbli li jissaħħaħ aktar l-involviment tal-ACER fl-iżvilupp u l-adozzjoni tat-termini u l-kondizzjonijiet jew il-metodoloġiji għall-implimentazzjoni tal-kodiċijiet tan-netwerk u linji gwida adottati bħala atti delegati wara l-4 ta' Lulju 2019. Fejn xieraq, ir-rapport għandu jkun akkumpanjat bi proposta leġislattiva biex jiġu ttrasferiti jew immodifikati s-setgħat meħtieġa lill-ACER.

6.   Qabel ma japprovaw it-termini u l-kondizzjonijiet jew il-metodoloġiji msemmija fil-paragrafi 2 u 3, l-awtoritajiet regolatorji, jew, fejn tkun kompetenti, l-ACERa għandhom jirreveduhom fejn meħtieġ wara li jikkonsultaw l-ENTSO tal-Elettriku, l-ENTSO tal-Gas jew l-entità tal-UE għad-DSO, sabiex jiġi żgurat li jkunu konformi mal-għan tal-kodiċijiet tan-netwerk jew tal-linji gwida u li jikkontribwixxu għall-integrazzjoni tas-suq, għan-nondiskriminazzjoni, għall-kompetizzjoni effettiva u għall-funzjonament xieraq tas-suq. L-ACER għandha tieħu deċiżjoni dwar l-approvazzjoni fil-perjodu speċifikat fil-kodiċijiet tan-netwerk u fil-linji gwida rilevanti. Dak il-perjodu għandu jibda fil-jum ta' wara dak li fih il-proposta tkun ġiet riferuta lill-ACER.

7.   L-Aġenzija għandha twettaq il-kompiti tagħha fir-rigward tar-rieżami taż-żona tal-offerti skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) 2019/943.

8.   L-ACER għandha tissorvelja l-kooperazzjoni reġjonali tal-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni msemmija fl-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2019/943 u fl-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009, u għandha tqis l-eżitu ta' dik il-kooperazzjoni meta tkun qed tifformula l-opinjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tagħha.

Artikolu 6

Kompiti tal-ACER marbutin mal-awtoritajiet regolatorji

1.   L-ACER għandha tadotta deċiżjonijiet individwali dwar kwistjonijiet tekniċi fejn dawk id-deċiżjonijiet huma previsti fir-Regolament (UE) 2019/943, ir-Regolament (KE) Nru 715/2009, id-Direttiva (UE) 2019/944 jew id-Direttiva 2009/73/KE.

2.   Skont il-programm ta' ħidma tagħha, fuq talba tal-Kummissjoni jew fuq inizjattiva tagħha stess, l-ACER tista' tagħmel rakkomandazzjonijiet sabiex jgħinu lill-awtoritajiet regolatorji u l-parteċipanti fis-suq jaqsmu bejniethom prassi tajba.

3.   Sal-5 ta' Lulju 2022, u mbagħad kull erba'snin wara din id-data, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji skont l-Artikolu 57(7) tad-Direttiva (UE) 2019/944.

4.   L-ACER għandha tipprovdi qafas li fih ikunu jistgħu jikkoperaw l-awtoritajiet regolatorji sabiex tiżgura teħid tad-deċiżjonijiet effiċjenti dwar kwistjonijiet b'rilevanza transfruntiera. Hija għandha tippromwovi kooperazzjoni fost l-awtoritajiet regolatorji u fost l-awtoritajiet regolatorji fil-livell reġjonali u tal-Unjoni u għandha tqis l-eżitu ta' din il-kooperazzjoni meta tkun qed tifformula l-opinjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tagħha. Fejn l-ACER tqis li jkunu meħtieġa regoli li jorbtu dwar tali kooperazzjoni, l-Aġenzija għandha tagħmel ir-rakkomandazzjonijiet xierqa lill-Kummissjoni.

5.   Fuq talba ta' awtorità regolatorja waħda jew aktar jew fuq talba tal-Kummissjoni, l-ACER għandha tagħti opinjoni fattwali rigward il-konformità ta' deċiżjoni meħuda minn awtorità regolatorja mal-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida msemmija fir-Regolament (UE) 2019/943, ir-Regolament (KE) Nru 715/2009, d-Direttiva (UE) 2019/944, jew id-Direttiva 2009/73/KE jew f'dispożizzjonijiet rilevanti oħrajn ta' dawk id-direttivi jew regolamenti.

6.   Fejn l-awtorità regolatorja ma tikkonformax mal-opinjoni tal-ACER imsemmija fil-paragrafu 5, fi żmien erba' xhur mid-data meta tirċeviha, l-ACER għandha tinforma lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru konċernat b'dan.

7.   Fejn, f'każ speċifiku, awtorità regolatorja tiltaqa' ma' diffikultajiet fl-applikazzjoni tal-linji gwida msemmija fir-Regolament (UE) 2019/943, ir-Regolament (KE) Nru 715/2009, id-Direttiva (UE) 2019/944 jew id-Direttiva 2009/73/KE,, hija tkun tista' titlob lill-ACER biex tagħti opinjoni. L-Aġenzija għandha tagħti l-opinjoni tagħha, wara li tikkonsulta mal-Kummissjoni, fi żmien tliet xhur mid-data meta tirċievi talba bħal din.

8.   Fuq talba ta' awtorità regolatorja, l-ACER tista' tipprovdi assistenza operazzjonali lil dik l-awtorità regolatorja rigward investigazzjonijiet skont ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011.

9.   L-ACER għandha tippreżenta opinjonijiet lill-awtorità regolatorja rilevanti u lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) 2019/943.

10.   L-ACER għandu jkollha l-kompetenza li tadotta deċiżjonijiet individwali dwar kwistjonijiet regolatorji li jkollhom effetti fuq il-kummerċ transfruntier jew is-sigurtà tas-sistemi transfruntiera li jeħtieġu deċiżjoni konġunta ta' mill-anqas żewġ awtoritajiet regolatorji, fejn dawk il-kompetenzi jkunu ġew konferiti lill-awtoritajiet regolatorji skont wieħed mill-atti ġuridiċi li ġejjin:

(a)

att leġislattiv tal-Unjoni adottat skont il-proċedura leġislattiva ordinarja;

(b)

il-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida adottati qabel l-4 ta' Lulju 2019 u reviżjonijiet sussegwenti ta' dawk il-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida; jew

(c)

il-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida adottati bħala atti ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

L-ACER għandha tkun kompetenti tadotta deċiżjonijiet individwali kif speċifikat fl-ewwel subparagrafu fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)

meta l-awtoritajiet regolatorji kompetenti ma jkunx irnexxielhom jilħqu ftehim fi żmien sitt xhur wara li l-każ ikun ġie riferut lill-aħħar waħda minn dawk l-awtoritajiet regolatorji jew fi żmien erba' xhur f'każijiet skont l-Artikolu 4(7) ta' dan ir-Regolament jew skont il-punt (c) tal-Artikolu (59)(1) jew il-punt (f) tal-Artikolu 62(1) tad-Direttiva (UE) 2019/944; jew

(b)

fuq il-bażi ta' talba konġunta mill-awtoritajiet regolatorji kompetenti.

L-awtoritajiet regolatorji kompetenti jistgħu jitolbu, b'mod konġunt, li l-perjodu msemmi fil-punt (a) tat-tieni subparagrafu ta' dan il-paragrafu jiġi estiż b'perjodu sa sitt xhur, ħlief f'każijiet skont l-Artikolu 4(7) ta' dan ir-Regolament jew skont il-punt (c) tal-Artikolu (59)(1) jew il-punt (f) tal-Artikolu 62(1) tad-Direttiva (UE) 2019/944.

Meta l-kompetenzi biex tittieħed deċiżjoni dwar kwistjonijiet transfruntiera msemmija fl-ewwel subparagrafu jkunu ġew ikkonferiti lill-awtoritajiet regolatorji f'kodiċijiet tan-netwerk jew linji gwida ġodda adottati bħala atti delegati wara l-4 ta' Lulju 2019, l-ACER għandha tkun kompetenti biss fuq bażi volontarja skont il-punt (b) tat-tieni subparagrafu ta' dan il-paragrafu, fuq talba minn mill-inqas 60 % tal-awtoritajiet regolatorji kompetenti. Fejn ikunu involuti żewġ awtoritajiet regolatorji biss, kwalunkwe waħda minnhom tista' jirreferi l-każ lill-ACER.

Sal-31 ta' Ottubru 2023, u kull tliet snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-ħtieġa possibbli li jissaħħaħ aktar l-involviment tal-ACER fis-soluzzjoni ta' każijiet ta' nuqqas ta' qbil bejn l-awtoritajiet regolatorji dwar deċiżjonijiet konġunti dwar kwistjonijiet li dwarhom ġew ikkonferiti l-kompetenzi fuq dawk l-awtoritajiet regolatorji permezz ta' att delegat wara l-4 ta' Lulju 2019. Meta jkun il-każ, ir-rapport għandu jkun akkumpanjat bi proposta leġislattiva biex dawn is-setgħat jiġu mmodifikati jew biex is-setgħat meħtieġa jiġu ttrasferiti lill-ACER.

11.   Meta tkun qed tħejji d-deċiżjoni tagħha skont il-paragrafu 10, l-ACER għandha tikkonsulta lill-awtoritajiet regolatorji u l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni konċernati u għandha tkun informata dwar il-proposti u l-osservazzjonijiet tal-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni kollha kkonċernati.

12.   Fejn każ ikun ġie riferut lill-ACER skont il-paragrafu 10, l-ACER:

(a)

għandha toħroġ deċiżjoni fi żmien sitt xhur mid-data tar-riferiment; jew fi żmien ħames xhur f'każijiet skont l-Artikolu 4(7) ta' dan ir-Regolament jew il-punt (c) tal-Artikolu (59)(1) jew il-punt (f) tal-Artikolu 62(1) tad-Direttiva (UE) 2019/944; u

(b)

tista', jekk ikun meħtieġ, tipprovdi deċiżjoni interim sabiex tiżgura li s-sigurtà tal-provvista jew is-sigurtà operattiva għall-infrastruttura inkwistjoni tiġi protetta.

13.   Fejn il-kwistjonijiet regolatorji msemmija fil-paragrafu 10 jinkludu eżenzjonijiet fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 63 tar-Regolament (UE) 2019/943, jew tal-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73/KE, l-iskadenzi stipulati f'dan ir-Regolament m'għandhomx jiġu kumulattivi mal-iskadenzi stipulati f'dawk id-dispożizzjonijiet.

Artikolu 7

Il-kompiti tal-Aġenzija fir-rigward taċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali

1.   L-ACER, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet regolatorji u mal-ENTSO, għandha tissorvelja u tanalizza l-prestazzjoni taċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali, filwaqt li tqis ir-rapporti previsti fl-Artikolu 46(3) tar-Regolament (UE) 2019/943.

2.   Sabiex twettaq il-kompiti msemmija fil-paragrafu 1 b'mod effiċjenti u rapidu, l-ACER, b'mod partikolari għandha:

(a)

tiddeċiedi dwar il-konfigurazzjoni tar-reġjuni tal-operat tas-sistemi skont l-Artikolu 36(3) u (4) u toħroġ approvazzjonijiet skont l-Artikolu 37(2) tar-Regolament (UE) 2019/943;

(b)

titlob, fejn xieraq, informazzjoni miċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) 2019/943;

(c)

toħroġ opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni;

(d)

toħroġ opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet liċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali.

Artikolu 8

Il-kompiti tal-ACER fir-rigward tal-operaturi nominati tas-suq tal-elettriku

Sabiex jiġi żgurat li l-operaturi nominati tas-suq tal-elettriku jwettqu l-funzjonijiet tagħhom skont ir-Regolament (UE) 2019/943 u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 (21), l-ACER għandha:

(a)

tissorvelja l-progress tal-operaturi nominati tas-suq tal-elettriku fl-istabbiliment tal-funzjonijiet skont ir-Regolament (UE) 2015/1222;

(b)

toħroġ rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni b'konformità mal-Artikolu 7(5) tar-Regolament (UE) 2015/1222;

(c)

titlob, fejn xieraq, iktar informazzjoni lill-operaturi nominati tas-suq tal-elettriku.

Artikolu 9

Il-kompiti tal-ACER fir-rigward tal-adegwatezza tal-ġenerazzjoni u fir-rigward tat-tħejjija għar-riskji

1.   L-ACER għandha tapprova u temenda fejn meħtieġ:

(a)

il-proposti għal metodoloġiji u kalkoli relatati mal-valutazzjoni Ewropea tal-adegwatezza tar-riżorsi skont l-Artikolu 23(3), (4), (6) u (7) tar-Regolament (UE) 2019/943;

(b)

il-proposti għal speċifikazzjonijiet tekniċi għall-parteċipazzjoni transfruntiera fil-mekkaniżmi ta' kapaċità skont l-Artikolu 26(11) tar-Regolament (UE) 2019/943.

2.   L-ACER għandha tagħti opinjoni skont l-Artikolu 24(3) tar-Regolament (UE) 2019/941 dwar jekk id-differenzi bejn il-valutazzjoni nazzjonali tal-adegwatezza tar-riżorsi u l-valutazzjoni Ewropea tal-adegwatezza tar-riżorsi humiex ġustifikati.

3.   L-ACER għandha tapprova u temenda, fejn ikun hemm bżonn, il-metodoloġiji:

(a)

għall-identifikazzjoni ta' xenarji ta' kriżi tal-elettriku f'livell reġjonali skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2019/941;

(b)

għall-valutazzjonijiet tal-adegwatezza tul perjodu qasir ta' żmien u staġjonali skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2019/941.

4.   Fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista tal-gass, l-ACER għandha tkun irrappreżentata fil-Grupp ta' Koordinazzjoni dwar il-Gass skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2017/1938 u għandha twettaq l-obbligi rigward il-kapaċità bidirezzjonali permanenti ta' interkonnessjonijiet għall-gass skont l-Anness III tar-Regolament (UE) 2017/1938.

Artikolu 10

Il-kompiti tal-ACER fir-rigward ta' eżenzjonijiet

L-ACER għandha tiddeċiedi dwar eżenzjonijiet, kif previst fl-Artikolu 63(5) tar-Regolament (UE) 2019/943. L-ACER għandha wkoll tiddeċiedi dwar eżenzjonijiet kif previst fl-Artikolu 36(4) tad-Direttiva 2009/73/KE meta l-infrastruttura konċernata tkun tinsab fit-territorju ta' aktar minn Stat Membru wieħed.

Artikolu 11

Il-kompiti tal-ACER fir-rigward tal-infrastruttura

F'dak li jirrigwarda l-infrastrutturi tal-enerġija trans-Ewropej, l-ACER, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet regolatorji u mal-ENTSO tal-Elettriku u l-ENTSO tal-Gass, għandha:

(a)

timmonitorja l-progress fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' proġetti sabiex tinħoloq kapaċità ta' interkonnetturi;

(b)

timmonitorja l-implimentazzjoni tal-pjanijiet għall-iżvilupp tan-netwerk għall-Unjoni kollha. Jekk l-ACER issib inkonsistenzi bejn dawk il-pjanijiet u l-implimentazzjoni tagħhom, hija għandha tinvestiga r-raġunijiet ta' dawk l-inkonsistenzi u tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-operaturi tas-sistemi ta' trażmizzjoni konċernati, lill-awtoritajiet regolatorji jew entitajiet kompetenti oħrajn konċernati bl-iskop li jiġu implimentati l-investimenti skont il-pjanijiet għall-iżvilupp tan-netwerk għall-Unjoni kollha;

(c)

twettaq l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 5, 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 347/2013;

(d)

tieħu deċiżjonijiet dwar talbiet għall-investiment skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (UE) Nru 347/2013.

Artikolu 12

Il-kompiti tal-ACER fir-rigward tal-integrità u t-trasparenza tas-suq bl-ingrossa

Sabiex l-integrità u t-trasparenza tas-suq bl-ingrossa jiġu sorveljati b'mod effettiv, l-ACER, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet regolatorji u awtoritajiet nazzjonali oħra, għandha

(a)

tissorvelja s-swieq bl-ingrossa, tiġbor u tikkondividi data u tistabbilixxi reġistru Ewropew ta' parteċipanti fis-suq skont l-Artikoli 7 sa 12 tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011;

(b)

toħroġ rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni b'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011;

(c)

tikkoordina investigazzjonijiet skont l-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011.

Artikolu 13

Il-kummissjonar ta' kompiti ġodda lill-ACER

L-ACER tista', f'ċirkustanzi definiti b'mod ċar mill-Kummissjoni fil-kodiċijiet tan-netwerk adottati skont l-Artikolu 59 tar-Regolament (UE) 2019/943 u fil-linji gwida adottati skont l-Artikolu 61 ta' dak ir-Regolament jew fl-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009, u dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw ir-raġunijiet li għaliha twaqqfet, tingħata kompiti addizzjonali li ma jinvolvux setgħat ta' teħid ta' deċiżjonijiet.

Artikolu 14

Konsultazzjonijiet, trasparenza u salvagwardji proċedurali

1.   Fit-twettiq tal-kompiti tagħha, b'mod partikolari fil-proċess ta' żvilupp ta' linji gwida ta' qafas skont l-Artikolu 59 tar-Regolament (UE) 2019/943 jew l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009, u fil-proċess ta' proposti għal emendi tal-kodiċijiet tan-netwerk taħt l-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) 2019/943 jew l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 l-ACER għandha tikkonsulta, b'mod estensiv, fi stadju bikri mal-parteċipanti fis-suq, l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni, il-konsumaturi, l-utenti finali u, fejn rilevanti, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi tagħhom, b'mod miftuħ u trasparenti, b'mod partikolari meta l-kompiti tagħha jikkonċernaw l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni.

2.   L-ACER għandha tiżgura li l-pubbliku u l-partijiet kollha interessati jingħataw informazzjoni oġġettiva, affidabbli u aċċessibbli faċilment, b'mod partikolari rigward ir-riżultati tal-ħidma tagħha, fejn ikun xieraq.

Id-dokumenti u l-minuti kollha tal-laqgħat ta' konsultazzjoni li jsiru matul l-iżvilupp tal-linji gwida ta' qafas skont l-Artikolu 59 tar-Regolament (UE) 2019/943 jew l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009, jew matul l-emenda tal-kodiċijiet tan-netwerk imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu pubbliċi.

3.   Qabel jiġu adottati l-linji gwida ta' qafas jew proposti għal emendi tal-kodiċijiet tan-netwerk kif imsemmi fil-paragrafu 1, l-ACER għandha tindika kif ittieħed kont tal-osservazzjonijiet li rċeviet matul il-konsultazzjoni u tagħti r-raġunijiet għal dawk l-osservazzjonijiet li ma ġewx segwiti.

4.   L-ACER għandha tippubblika fil-websajt tagħha, tal-anqas l-aġenda, id-dokumenti preparatorji, u fejn ikun xieraq, il-minuti tal-laqgħat tal-Bord tal-Amministrazzjoni, tal-Bord tar-Regolaturi u tal-Bord tal-Appell.

5.   L-ACER għandha tadotta u tippubblika regoli ta' proċedura adegwati u proporzjonati skont il-proċedura stabbilita fil-punt (t) tal-Artikolu 19(1). Dawk ir-regoli għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jiżguraw proċess trasparenti u raġonevoli ta' teħid tad-deċiżjonijiet li jiggarantixxi drittijiet proċedurali fundamentali bbażati fuq l-istat tad-dritt, inkluż id-dritt li wieħed jinstema', id-dritt tal-aċċess għall-fajls u l-istandards speċifikati fil-paragrafi 6, 7 u 8.

6.   Qabel tieħu kwalunkwe deċiżjoni individwali kif previsti f'dan ir-Regolament, l-ACER għandha tinforma lil kwalunkwe parti kkonċernata bl-intenzjoni tagħha li tadotta dik id-deċiżjoni, u għandha tistabbilixxi limitu ta' żmien li fih il-parti kkonċernata tista' tesprimi l-fehmiet tagħha dwar il-kwistjoni, b'kunsiderazzjoni sħiħa tal-urġenza, tal-kumplessità u tal-konsegwenzi potenzjali tal-kwistjoni.

7.   Id-deċiżjonijiet individwali tal-ACER għandhom jistqarru r-raġunijiet li fuqhom ikunu bbażati sabiex ikun possibbli li jsir appell fuq il-merti.

8.   Il-partijiet ikkonċernati mid-deċiżjonijiet individwali tal-Aġenzija għandhom jiġu infurmati bir-rimedji legali disponibbli skont dan ir-Regolament.

Artikolu 15

Monitoraġġ u rappurtar dwar is-setturi tal-elettriku u tal-gass naturali

1.   L-ACER, b'kopereazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, mal-Istati Membri u mal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti, inklużi l-awtoritajiet regolatorji, u mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-awtoritajiet għall-kompetizzjoni, għandha timmonitorja s-swieq bl-ingrossa u bl-imnut tal-elettriku u tal-gass naturali, b'mod partikolari l-prezzijiet bl-imnut tal-elettriku u tal-gass naturali, il-konformità mad-drittijiet tal-konsumaturi stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2019/944 u d-Direttiva 2009/73/KE, l-impatt tal-iżviluppi tas-swieq fuq il-konsumaturi domestiċi, l-aċċess għan-netwerks inkluż l-aċċess għal elettriku li jkun prodott minn sorsi ta' enerġija li jiġġeddu, il-progress miksub rigward l-interkonnetturi, l-ostakoli potenzjali għall-kummerċ transfruntier, l-ostakoli regolatorji għal kompetituri ġodda fis-suq u atturi iżgħar, inklużi l-komunitajiet tal-enerġija taċ-ċittadin, interventi mill-istat li ma jħallux li l-prezzijiet jirriflettu l-iskarsezza reali, bħal dawk stipulati fl-Artikolu 10(4) tar-Regolament (UE) 2019/943, il-prestazzjoni tal-Istati Membri fil-qasam tas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku abbażi tar-riżultati tal-valutazzjoni Ewropea tal-adegwatezza tar-riżorsi kif imsemmi fl-Artikolu 23 ta' dak ir-Regolament, b'kont meħud, b'mod partikolari, tal-evalwazzjoni ex-post imsemmija fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2019/941.

2.   L-ACER għandha tippubblika rapport fuq bażi annwali dwar ir-riżultati tal-attività ta' monitoraġġ tagħha imsemmija fil-paragrafu 1. F'dan ir-rapport hija għandha tidentifika kwalunkwe ostaklu għat-tlestija tas-swieq interni fl-elettriku u l-gass naturali.

3.   Meta tippubblika r-rapport annwali tagħha l-ACER tista' tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni opinjoni dwar il-miżuri possibbli biex jitneħħew l-ostakoli li jirreferi għalihom il-paragrafu 2.

4.   L-ACER għandha toħroġ rapport tal-aħjar prattiki dwar il-metodoloġiji tat-tariffi ta' trażmissjoni u ta' distribuzzjoni skont l-Artikolu 18(9) tar-Regolament (UE) 2019/943;

Kapitolu II

Organizzazzjoni tal-ACER

Artikolu 16

Status legali

1.   L-ACER għandha tkun entità tal-Unjoni b'personalità ġuridika.

2.   F'kull wieħed mill-Istati Membri, l-ACER għandu jkollha l-kapaċità ġuridika l-aktar wiesgħa li tista' tingħata lil persuni ġuridiċi li jaqgħu taħt il-liġijiet nazzjonali tagħhom. Tista', b'mod partikolari, takkwista jew tiddisponi minn proprjeta' mobbli jew immobbli u tkun parti fi proċeduri legali.

3.   L-ACER għandha tkun rappreżentata mid-Direttur tagħha.

4.   L-ACER għandu jkollha s-sede tagħha f'Ljubljana, is-Slovenja.

Artikolu 17

Struttura Amministrattiva u ta' Ġestjoni

L-ACER għandha tkun magħmula minn:

(a)

Bord tal-Amministrazzjoni, li għandu jwettaq il-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 19;

(b)

Bord ta' Regolaturi, li għandu jwettaq il-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 22;

(c)

Direttur, li għandu jwettaq il-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 24; u

(d)

Bord tal-Appell, li għandu jwettaq il-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 28.

Artikolu 18

Il-kompożizzjoni tal-Bord tat-Tmexxija

1.   Il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jkun magħmul minn disa' membri. Kull membru għandu jkollu supplenti. Żewġ membri u s-sostituti tagħhom jinħatru mill-Kummissjoni, żewġ membri u s-sostituti tagħhom għandhom jinħatru mill-Parlament Ewropew u ħames membri u s-supplenti tagħhom għandhom jinħatru mill-Kunsill. L-ebda Membru tal-Parlament Ewropew m'għandu jkun membru tal-Bord tal-Amministrazzjoni. Membru tal-Bord tal-Amministrazzjoni ma għandux ikun membru tal-Bord tar-Regolaturi.

2.   Il-mandat tal-membri tal-Bord tal-Amministrazzjoni u s-supplenti tagħhom għandu jkun ta' erba' snin, li jista' jiġġedded darba. Għall-ewwel mandat, iż-żmien għandu jkun ta' sitt snin għal nofs il-membri u s-supplenti tagħhom.

3.   Il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jeleġġi l-President u l-Viċi President minn fost il-membri tiegħu b'maġġoranza ta' żewġ terzi. Il-Viċi President għandu awtomatikament jieħu post il-President jekk dan ma jkunx f'qagħda li jaqdi dmirijietu. Il-mandat tal-President u tal-Viċi President għandu jkun ta' sentejn, u jista' jiġġedded darba. Il-mandat tal-President u dak tal-Viċi President għandhom jiskadu malli ma jibqgħux membri tal-Bord tal-Amministrazzjoni.

4.   Il-laqgħat tal-Bord tal-Amministrazzjoni għandhom jissejħu mill-President tiegħu. Il-President tal-Bord tar-Regolaturi, jew il-persuna nominata tal-Bord ta' Regolaturi, u d-Direttur għandhom jieħdu sehem fid-deliberazzjonijiet, mingħajr dritt għall-vot, sakemm il-Bord tal-Amministrazzjoni ma jiddeċidix mod ieħor fir-rigward tad-Direttur. Il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jiltaqa' tal-anqas darbtejn fis-sena f'sessjoni ordinarja. Għandu jiltaqa' wkoll fuq l-inizjattiva tal-President tiegħu, fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea jew fuq talba ta' għall-anqas terz mill-membri tiegħu. Il-Bord tal-Amministrazzjoni jista' jistieden lil kwalunkwe persuna b'opinjonijiet li jistgħu jkunu rilevanti sabiex tattendi l-laqgħat bħala osservatur. Il-membri tal-Bord tal-Amministrazzjoni jistgħu, soġġett għar-regoli ta' proċedura tiegħu, jingħataw għajnuna minn konsulenti jew esperti. Is-servizzi segretarjali tal-Bord tal-Amministrazzjoni għandhom jiġu pprovduti mill-ACER.

5.   Id-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Amministrazzjoni għandhom ikunu adottati fuq il-bażi ta' maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri preżenti, sakemm dan ir-Regolament ma jipprevedix mod ieħor. Kull membru tal-Bord tal-Amministrazzjoni jew is-supplenti tiegħu għandu jkollu vot wieħed.

6.   Ir-regoli ta' proċedura għandhom jistipulaw b'aktar dettall:

(a)

l-arranġamenti li jirregolaw il-votazzjoni, partikolarment il-kondizzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom membru jista' jaġixxi f'isem membru ieħor, kif ukoll, fejn xieraq, ir-regoli rigward il-kworum; u

(b)

l-arranġamenti li jirregolaw ir-rotazzjoni applikabbli għat-tiġdid tal-membri tal-Bord tal-Amministrazzjoni li jiġu maħtura mill-Kunsill sabiex tiġi żgurata parteċipazzjoni bbilanċjata tal-Istati Membri matul iż-żmien.

7.   Mingħajr preġudizzju għar-rwol tal-membri maħtura mill-Kummissjoni, il-membri tal-Bord tal-Amministrazzjoni għandhom jintrabtu li jaġixxu b'mod indipendenti u oġġettiv fl-interess tal-Unjoni kollha kemm hi, u la għandhom ifittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni, minn xi gvern ta' Stat Membru jew minn xi entità pubblika jew privata oħra. Għal dan il-għan, kull membru għandu jagħmel dikjarazzjoni bil-miktub dwar l-impenji u dikjarazzjoni bil-miktub dwar l-interessi li jindikaw jew in-nuqqas ta' kull interess li jista' jiġi meqjus li jippreġudika l-indipendenza tiegħu jew kull interess dirett jew indirett li jista' jitqies li jippreġudika l-indipendenza tagħha. L-ACER għandu jagħmel dawk id-dikjarazzjonijiet pubbliċi fuq bażi annwali.

Artikolu 19

Il-funzjonijiet tal-Bord tal-Amministrazzjoni

1.   Il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu:

(a)

wara li jkun ikkonsulta mal-Bord tar-Regolaturi u kiseb l-opinjoni favorevoli tiegħu f'konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 22(5), jaħtar lid-Direttur bi qbil mal-Artikolu 23(2) u meta rilevanti għandu jestendi l-mandat tiegħu jew ineħħih mill-kariga;

(b)

jaħtar formalment lill-membri tal-Bord tar-Regolaturi nominati bi qbil mal-Artikolu 21(1);

(c)

jaħtar formalment lill-membri tal-Bord tal-Appell bi qbil mal-Artikolu 25(2);

(d)

jiżgura li l-ACER twettaq il-missjoni tagħha u twettaq il-kompiti assenjati lilha skont dan ir-Regolament;

(e)

jadotta d-dokument ta' programmazzjoni msemmi fl-Artikolu 20(1) b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri tiegħu u, jekk applikabbli, jemendah skont l-Artikolu 20(3);

(f)

jadotta b'maġġoranza ta' żewġ terzi, il-baġit annwali tal-ACER u jeżerċita l-funzjonijiet baġitarji l-oħrajn tiegħu bi qbil mal-Artikoli 31 sa 35;

(g)

jiddeċiedi, wara li jkun kiseb il-qbil tal-Kummissjoni, jekk għandux jaċċetta legati, donazzjonijiet jew għotjiet minn sorsi tal-Unjoni oħra jew kwalunkwe kontribuzzjoni volontarja mill-Istati Membri jew mill-awtoritajiet regolatorji. L-opinjoni tal-Bord tal-Amministrazzjoni mogħtija bi qbil mal-Artikolu 35(4) għandha tindirizza espliċitament is-sorsi ta' finanzjament stabbiliti f'dan il-paragrafu;

(h)

wara li jikkonsulta l-Bord tar-Regolaturi, jeżerċita awtorità dixxiplinarja fuq id-Direttur. Barra minn hekk, b'konformità mal-paragrafu 2, għandu jeżerċita, fir-rigward tal-persunal tal-ACER, is-setgħat mogħtija permezz tar-Regolamenti tal-Persunal fuq l-Awtorità tal-Ħatra u mill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg lill-Awtorità li jkollha s-Setgħa Tikkonkludi Kuntratt ta' Impieg;

(i)

ifassal, fejn meħtieġ, ir-regoli ta' implimentazzjoni tal-ACER li japplikaw ir-regoli tal-persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg b'konformità mal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal bi qbil mal-Artikolu 39(2);

(j)

għandu jadotta miżuri prattiċi rigward id-dritt ta' aċċess għad-dokumenti tal-ACER, bi qbil mal-Artikolu 41;

(k)

jadotta u jippubblika r-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-ACER, abbażi tal-abbozz tar-rapport annwali msemmi fil-punt (i) tal-Artikolu 24(1) u għandu jippreżenta dak ir-rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri sal-1 ta' Lulju ta' kull sena,. Ir-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-ACER għandu jkun fih sezzjoni indipendenti, approvata mill-Bord tar-Regolaturi, dwar l-attivitajiet regolatorji tal-ACER matul dik is-sena;.

(l)

jadotta u jippubblika r-regoli ta' proċedura tiegħu;

(m)

jadotta r-regoli finanzjarji applikabbli għall-ACER skont l-Artikolu 36;

(n)

jadotta strateġija kontra l-frodi, proporzjonata mar-riskji ta' frodi, filwaqt li jqis l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-miżuri li jkunu se jiġu implimentati;

(o)

jadotta regoli għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess fir-rigward tal-membri tiegħu, kif ukoll fir-rigward tal-membri tal-Bord tal-Appell;

(p)

jadotta u jaġġorna b'mod regolari l-pjanijiet ta' komunikazzjoni u disseminazzjoni msemmija fl-Artikolu 41;

(q)

jaħtar Uffiċjal tal-Kontabbiltà, soġġett għar-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, li għandu jkun totalment indipendenti fit-twettiq ta' dmirijietu;

(r)

jiżgura segwitu xieraq għal sejbiet u rakkomandazzjonijiet li joħorġu mir-rapporti u l-evalwazzjonijiet interni u esterni tal-awditjar, kif ukoll minn investigazzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (“OLAF”);

(s)

jawtorizza l-konklużjoni tal-arranġamenti tax-xogħol skont l-Artikolu 43;

(t)

abbażi ta' proposta mid-Direttur skont il-punt (b) tal-Artikolu 24(1) u wara li jkun ikkonsulta mal-Bord tar-Regolaturi u kiseb l-opinjoni favorevoli tiegħu skont il-punt (f) tal-Artikolu 22(5), jadotta u jippubblika r-regoli ta' proċedura msemmija skont l-Artikolu 14(5).

2.   Il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jadotta, skont l-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal, deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 2(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u fuq l-Artikolu 6 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, filwaqt li jiddelega s-setgħat tal-awtorità tal-ħatra rilevanti lid-Direttur u jiddefinixxi l-kondizzjonijiet skont liema dik id-delega ta' setgħat tista' tiġi sospiża. Id-Direttur għandu jkun awtorizzat li jissottodelega dawk is-setgħat.

3.   Fejn ċirkustanzi eċċezzjonali jitolbu li jsir hekk, il-Bord tal-Amministrazzjoni jista', permezz ta' deċiżjoni, jissospendi b'mod temporanju d-delega tas-setgħat ta' awtorità tal-ħatra lid-Direttur u lil dawk li jkunu ġew sottodelegati minn dan tal-aħħar, favur tiegħu stess, jew jiddelegahom lil wieħed mill-membri tiegħu jew lil membru tal-persunal, għajr lid-Direttur. Iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali għandhom ikunu strettament limitati għal kwistjonijiet amministrattivi, baġitarji jew maniġerjali u mingħajr preġudizzju għall-indipendenza sħiħa tad-Direttur dwar il-kompiti tiegħu skont il-punt (c) tal-Artikolu 24(1).

Artikolu 20

Programmazzjoni annwali u pluriennali

1.   Kull sena, id-Direttur għandu jħejji abbozz ta' dokument ta' programmazzjoni li jkun fih il-programmazzjoni annwali u pluriennali, u għandu jippreżenta l-abbozz ta' dokument ta' programmazzjoni lill-Bord tal-Amministrazzjoni u lill-Bord tar-Regolaturi.

Il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jadotta l-abbozz ta' dokument ta' programmazzjoni wara li jkun irċieva l-opinjoni favorevoli tal-Bord tar-Regolaturi u għandu jgħaddih lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni mhux aktar tard mill-31 ta' Jannar.

L-abbozz ta' dokument ta' programmazzjoni għandu jkun konformi mal-abbozz provviżorju tal-estimi stabbilit skont l-Artikoli 33(1), (2) u (3).

Il-Bord Amministrattiv għandu jadotta dokument ta' programmazzjoni. B'kunsiderazzjoni tal-opinjoni tal-Kummissjoni, wara li jirċievi l-opinjoni favorevoli tal-Bord tar-Regolaturi, u wara li d-Direttur ikun ippreżentah lill-Parlament Ewropew. Il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jippreżenta d-dokument ta' programmazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru.

Id-dokument ta' programmazzjoni għandu jiġi adottat mingħajr preġudizzju għall-proċedura baġitarja annwali u għandu jsir pubbliku;

Id-dokument ta' programmazzjoni isir definittiv wara l-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali u, jekk ikun meħtieġ, dan għandu jiġi aġġustat.

2.   Il-programmazzjoni annwali fid-dokument ta' programmazzjoni għandu jinkludi l-għanijiet fid-dettall u r-riżultati mistennija, inkluż l-indikaturi tal-prestazzjoni. Għandu jinkludi wkoll deskrizzjoni tal-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati u indikazzjoni tar-riżorsi finanzjarji u umani allokati għal kull azzjoni, inkluża referenza għall-gruppi ta' ħidma tal-ACER inkarigati milli jikkontribwixxu għall-abbozzar tad-dokumenti rispettivi, skont il-prinċipji ta' baġitjar u ġestjoni bbażati fuq l-attività. Il-programmazzjoni annwali għandha tkun koerenti mal-programmazzjoni pluriennali msemmija fil-paragrafu 4. Din għandha tindika b'mod ċar il-kompiti li ġew miżjuda, mibdula jew imħassra b'paragun mas-sena finanzjarja preċedenti.

3.   Il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jemenda d-dokument ta' programmazzjoni adottat meta l-ACER tingħata kompitu ġdid.

Kwalunkwe emenda sostanzjali fid-dokument ta' programmazzjoni għandha tiġi addottata bl-istess proċedura stipulata għad-dokument ta' programmazzjoni inizjali. Il-Bord tal-Amministrazzjoni jista' jiddelega s-setgħa li jsiru emendi mhux sostanzjali fid-dokument tal-programmazzjoni lid-Direttur.

4.   Il-programmazzjoni pluriennali fid-dokument ta' programmazzjoni għandha tistabbilixxi l-programmazzjoni strateġika ġenerali li tinkludi l-għanijiet, ir-riżultati mistennija u indikaturi tal-prestazzjoni. Għandha tistabbilixxi wkoll il-programmazzjoni tar-riżorsi, inklużi l-baġit pluriennali u l-persunal.

Il-programmazzjoni tar-riżorsi għandha tiġi aġġornata kull sena. Il-programmazzjoni strateġika għandha tiġi aġġornata meta jkun hemm bżonn, b'mod partikolari biex tindirizza l-eżitu tal-evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 45.

Artikolu 21

Kompożizzjoni tal-Bord tar-Regolaturi

1.   Il-Bord tar-Regolaturi għandu jkun magħmul minn:

(a)

rappreżentanti għoljin tal-awtoritajiet regolatorji, skont l-Artikolu 57(1) tad-Direttiva (UE) 2019/944 u l-Artikolu 39(1) tad-Direttiva 2009/73/KE, u supplenti minn kull Stat Membru minn fost il-persunal anzjan attwali ta' dawk l-awtoritajiet, it-tnejn li huma nominati mill-awtorità regolatorja;

(b)

rappreżentant tal-Kummissjoni li ma jkollux dritt tal-vot.

Rappreżentant wieħed għal kull Stat Membru biss mill-awtorità regolatorja jista' jidħol fil-Bord tar-Regolaturi.

2.   Il-Bord tar-Regolaturi għandu jeleġġi President u Viċi President mill-membri tiegħu. Il-Viċi President għandu jieħu post il-President jekk dan ma jkunx f'qagħda li jwettaq il-kompiti tiegħu. Il-mandat tal-President u tal-Viċi President għandu jkun ta' sentejn u nofs, u jista' jiġġedded. Madankollu, fi kwalunkwe każ, il-mandat tal-President u dak tal-Viċi President għandhom jiskadu malli ma jibqgħux membri tal-Bord tar-Regolaturi.

Artikolu 22

Funzjonijiet tal-Bord tar-Regolaturi

1.   Il-Bord tar-Regolaturi għandu jaġixxi b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri preżenti tiegħu b'vot għal kull membru.

2.   Il-Bord tar-Regolaturi għandu jadotta u jippubblika r-regoli ta' proċeduri tiegħu li għandhom jistabbilixxu b'aktar dettalji l-arranġamenti li jirregolaw il-votazzjoni, b'mod partikolari l-kondizzjonijiet li permezz tagħhom membru wieħed jista' jaġixxi f'isem ieħor u anki, fejn ikun xieraq, ir-regoli li jirregolaw il-kworums. Ir-regoli ta' proċedura jistgħu jipprevedu metodi ta' ħidma għall-konsiderazzjoni ta' kwistjonijiet li jqumu fil-kuntest ta' inizjattivi ta' kooperazzjoni reġjonali.

3.   Fit-twettiq tal-kompiti mogħtija lilu b'dan ir-Regolament, u mingħajr preġudizzju għall-membri tiegħu li jaġixxu f'isem l-awtorità regolatorja rispettiva tagħhom, il-Bord tar-Regolaturi għandu jaġixxi b'mod indipendenti u m'għandu jfittex jew jaċċetta istruzzjonijiet minn ebda gvern ta' xi Stat Membru, mill-Kummissjoni, jew minn xi entità pubblika jew privata oħra.

4.   Is-servizzi segretarjali tal-Bord tar-Regolaturi għandhom jiġu pprovduti mill-Aġenzija.

5.   Il-Bord tar-Regolaturi għandu:

(a)

jagħti opinjonijiet u, fejn xieraq, kummenti u emendi għat-test tal-proposti tad--Direttur għal abbozzi ta' opinjonijiet, rakkomandazzjonijiet u deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikoli 3(1), l-Artikoli 4 sa 8, l-Artikolu 9(1) u (3), l-Artikolu 10, il-punt (c) tal-Artikolu 11, l-Artikolu 13, l-Artikolu 15(4), u l-Artikoli 30 u 43 li huma kkunsidrati għall-adozzjoni;

(b)

fl-ambitu tal-kompetenza tiegħu, jservi ta' gwida lid-Direttur fit-twettiq tal-kompiti tiegħu, bl-eċċezzjoni tal-attivitajiet tal-ACER skont ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011 u jservi ta' gwida lill-gruppi ta' ħidma tal-ACER stabbiliti skont l-Artikolu 30.

(c)

jipprovdi opinjoni lill-Bord tal-Amministrazzjoni dwar il-kandidat li jkun ser jinħatar bħala Direttur bi qbil mal-punt (a) tal-Artikolu 19(1) u l-Artikolu 23(2);

(d)

japprova d-dokument ta' programmazzjoni skont l-Artikolu 20(1);

(e)

japprova t-taqsima indipendenti tar-rapport annwali rigward l-attivitajiet regolatorji, skont il-punt (k) tal-Artikolu 19(1) u l-punt (i) tal-Artikolu 24(1);

(f)

jagħti opinjoni lill-Bord tal-Amministrazzjoni dwar ir-regoli ta' proċedura skont l-Artikolu 14(5) u l-Artikolu 30(3);

(g)

jagħti opinjoni lill-Bord tal-Amministrazzjoni dwar il-pjanijiet ta' komunikazzjoni u disseminazzjoni msemmija fl-Artikolu 41;

(h)

jagħti opinjoni lill-Bord tal-Amministrazzjoni dwar ir-regoli ta' proċedura għar-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali msemmija fl-Artikolu 43.

6.   Il-Parlament Ewropew għandu jiġi infurmat dwar l-abbozz ta' aġenda tal-laqgħat li jmiss tal-Bord tar-Regolaturi mill-anqas ġimagħtejn qabel ma ssir laqgħa. Fi żmien ġimagħtejn wara l-laqgħa tal-Bord tar-Regolaturi, l-abbozz tal-minuti tal-laqgħa għandu jintbagħat lill-Parlament Ewropew. Il-Parlament Ewropew jista' jistieden, filwaqt li jirrispetta l-indipendenza tiegħu, lill-President tal-Bord tar-Regolaturi, jew lill-Viċi President, biex jagħmel stqarrija quddiem il-kumitat kompetenti tiegħu u biex iwieġeb il-mistoqsijiet li jkunu saru mill-membri ta' dan il-kumitat.

Artikolu 23

Id-Direttur

1.   L-ACER għandha titmexxa mid-Direttur tagħha, li għandu jaġixxi skont il-gwida msemmija fit-tieni sentenza tal-punt (b) tal-Artikolu 22(5) u, fejn previst f'dan ir-Regolament, skont l-opinjonijiet tal-Bord tar-Regolaturi. Mingħajr preġudizzju għall-irwoli rispettivi tal-Bord tal-Amministrazzjoni u tal-Bord tar-Regolaturi fir-rigward tal-kompiti tad-Direttur, id-Direttur m'għandu jfittex jew jaċċetta istruzzjonijiet minn ebda gvern, mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, jew minn xi entità jew persuna pubblika jew privata oħra. Id-Direttur għandu jkun responsabbli quddiem il-Bord tal-Amministrazzjoni fir-rigward ta' kwistjonijiet amministrattivi, baġitarji u maniġerjali, iżda jibqa' kompletament indipendenti fir-rigward tal-kompiti tiegħu skont il-punt (c) tal-Artikolu 24(1). Id-Direttur jista' jattendi l-laqgħat tal-Bord tar-Regolaturi bħala osservatur.

2.   Id-Direttur għandu jinħatar mill-Bord tal-Amministrazzjoni wara l-opinjoni favorevoli tal-Bord tar-Regolaturi, abbażi tal-mertu kif ukoll tal-ħiliet u tal-esperjenza rilevanti mis-settur tal-enerġija minn lista ta' mill-anqas tliet kandidati proposti mill-Kummissjoni, u wara li tkun saret proċedura tal-għażla miftuħa u trasparenti. Qabel ma jinħatar, il-kandidat magħżul mill-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew u jwieġeb mistoqsijiet li jagħmlulu l-membri tiegħu. Għall-għan tal-konklużjoni tal-kuntratt mad-Direttur, l-ACER għandha tiġi rappreżentata mill-President tal-Bord tal-Amministrazzjoni.

3.   Il-mandat tad-Direttur għandu jkun ta' ħames snin. Matul id-disa' xhur qabel it-tmiem ta' dak il-perjodu, il-Kummissjoni għandha tagħmel evalwazzjoni. Fl-evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha tevalwa b'mod partikolari:

(a)

il-prestazzjoni tad-Direttur;

(b)

id-dmirijiet u r-rekwiżiti tal-ACER fis-snin ta' wara.

4.   Il-Bord tal-Amministrazzjoni, filwaqt li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni, wara li jkun ikkonsulta l-Bord tar-Regolaturi u ta l-akbar konsiderazzjoni għall-valutazzjoni u l-opinjoni tal-Bord tar-Regolaturi u biss fejn iġġustifikat abbażi tad-dmirijiet u r-rekwiżiti tal-ACER, jista' jestendi l-mandat tad-Direttur darba sa mhux aktar minn ħames snin. Direttur li l-mandat tiegħu jkun ġie estiż m'għandhux jipparteċipa fi proċedura ta' għażla oħra għall-istess kariga fi tmiem il-perjodu li jkun ġie estiż.

5.   Il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jinforma lill-Parlament Ewropew bl-intenzjoni tiegħu li jestendi l-mandat tad-Direttur. Fi żmien xahar qabel l-estensjoni tal-mandat tiegħu, id-Direttur jista' jiġi mistieden jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew u jwieġeb mistoqsijiet li jagħmlulu l-membri ta' dak il-kumitat.

6.   Jekk il-mandat tiegħu ma jiġix estiż, id-Direttur għandu jibqa' fil-kariga sal-ħatra tas-suċċessur tiegħu.

7.   Id-Direttur jista' jitneħħa mill-kariga tiegħu biss permezz ta' deċiżjoni tal-Bord tal-Amministrazzjoni, wara li dan ikun kiseb l-opinjoni favorevoli tal-Bord tar-Regolaturi. Il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jilħaq din id-deċiżjoni abbażi ta' maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri tiegħu.

8.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu jitolbu lid-Direttur jippreżenta rapport dwar il-qadi ta' dmirijietu. Il-Parlament Ewropew jista' wkoll jistieden lid-Direttur biex jagħmel stqarrija quddiem il-kumitat kompetenti tagħha u jwieġeb il-mistoqsijiet li jkunu saru mill-membri ta' dak il-kumitat.

Artikolu 24

Il-Kompiti tad-Direttur

1.   Id-Direttur għandu:

(a)

ikun ir-rappreżentant legali tal-ACER, u għandu jkun responsabbli mit-tmexxija tagħha ta' kuljum;

(b)

iħejji l-ħidma tal-Bord tal-Amministrazzjoni, jipparteċipa, mingħajr ma jkollu dritt għall-vot, fil-ħidma tal-Bord tal-Amministrazzjoni u jkollu r-responsabbiltà għall-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet adottati mill-Bord tal-Amministrazzjoni;

(c)

jabbozza, jikkonsulta dwar, jadotta u jippubblika opinjonijiet, rakkomandazzjonijiet u deċiżjonijiet;

(d)

ikun responsabbli mill-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma annwali tal-ACER, taħt il-gwida tal-Bord tar-Regolaturi u taħt il-kontroll amministrattiv tal-Bord tal-Amministrazzjoni;

(e)

jieħu l-passi kollha meħtieġa, b'mod partikolari fir-rigward tal-adozzjoni ta' istruzzjonijiet amministrattivi interni u ta' notifiki ta' pubblikazzjoni, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-ACER skont dan ir-Regolament;

(f)

iħejji kull sena l-abbozz tal-programm ta' ħidma tal-ACER għas-sena ta' wara, u, wara l-adozzjoni tal-abbozz mill-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jippreżentah lill-Bord tar-Regolaturi, lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni sal-31 ta' Jannar ta' kull sena.

(g)

ikun responsabbli għall-implimentazzjoni tad-dokument ta' programmazzjoni u għar-rappurtar lill-Bord tal-Amministrazzjoni dwar l-implimentazzjoni tiegħu;

(h)

ifassal abbozz proviżorju tal-estimi tal-ACER bi qbil mal-Artikolu 33(1), u għandu jimplimenta l-baġit tal-ACER bi qbil mal-Artikoli 34 u 35;

(i)

kull sena jħejji u jippreżenta lill-Bord tal-Amministrazzjoni abbozz tar-rapport annwali li għandu jinkludi taqsima indipendenti dwar l-attivitajiet regolatorji tal-ACER, kif ukoll taqsima dwar kwistjonijiet finanzjarji u amminstrattivi;

(j)

iħejji pjan ta' azzjoni bħala segwitu għall-konklużjonijiet tar-rapporti tal-awditjar u l-evalwazzjonijiet interni jew esterni, kif ukoll dwar l-investigazzjonijiet li jsiru mill-OLAF, u jirrapporta dwar il-progress darbtejn fis-sena lill-Kummissjoni u jirrapporta b'mod regolari dwar il-progress lill-Bord tal-Amministrazzjoni;

(k)

ikun responsabbli biex jiddeċiedi jekk għall-fini li jitwettqu l-kompiti tal-ACER b'mod effiċjenti u effettiv, ikunx neċessarju li jiġi lokalizzat membru wieħed tal-persunal jew aktar fi Stat Membru wieħed jew aktar.

Għall-fini tal-punt (k) tal-ewwel subparagrafu, qabel ma jiddeċiedi li jistabbilixxi uffiċċju lokali, id-Direttur għandu jitlob l-opinjoni tal-Istati Membri kkonċernati, inkluż l-Istat Membru fejn tkun is-sede tal-ACER, u għandu jikseb l-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni u tal-Bord tal-Amministrazzjoni. Id-deċiżjoni, għandha tkun ibbażata fuq analiżi xierqa tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji u għandha tispeċifika l-kamp ta' applikazzjoni tal-attivitajiet li għandhom jitwettqu f'dak l-uffiċċju lokali b'mod li jiġu evitati spejjeż bla bżonn u d-duplikazzjoni tal-funzjonijiet amministrattivi tal-ACER.

2.   Għall-fini tal-punt (c) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-adozzjoni ta' opinjonijiet, rakkomandazzjonijiet u deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikoli 3(1), l-Artikoli 4 sa 8, l-Artikolu 9(1) u (2), l-Artikolu 10, il-punt (c) tal-Artikolu 11, l-Artikolu 13, l-Artikolu 15(4) u l-Artikoli 30 u 43 għandhom jiġu adottati biss wara li tkun inkisbet l-opinjoni favorevoli tal-Bord tar-Regolaturi.

Qabel ma jippreżenta abbozzi ta' opinjonijiet, rakkomandazzjonijiet jew deċiżjonijiet għal vot mill-Bord tar-Regolaturi, id-Direttur għandu jippreżenta l-abbozzi ta' opinjonijiet, rakkomandazzjonijiet jew deċiżjonijiet lill-grupp ta' ħidma rilevanti għall-konsultazzjoni suffiċjentement minn qabel.

Id-Direttur:

(a)

għandu jqis il-kummenti u l-emendi tal-Bord tar-Regolaturi u għandu jippreżenta mill-ġdid l-abbozz rivedut ta' opinjoni, rakkomandazzjoni jew deċiżjoni lill-Bord tar-Regolaturi għal opinjoni;

(b)

jista' jirtira abbozzi ta' opinjonijiet, rakkomandazzjonijiet jew deċiżjonijiet ippreżentati sakemm id-Direttur jippreżenta spjegazzjoni debitament ġustifikata bil-miktub fejn id-Direttur ma jaqbilx mal-emendi ppreżentati mill-Bord tar-Regolaturi;

Fil-każ tal-irtirar ta' abbozz ta' opinjoni, rakkomandazzjoni jew deċiżjoni, id-Direttur jista' joħroġ abbozz ġdid ta' opinjoni, rakkomandazzjoni jew deċiżjoni skont il-proċedura stabbilita fil-punt (a) tal-Artikolu 22(5) u fit-tieni subparagrafu ta' dan il-paragrafu. Għall-finijiet tal-punt (a) tat-tielet subparagrafu ta' dan il-paragrafu, fejn id-Direttur jiddevja mill-kummenti u l-emendi rċevuti mill-Bord tar-Regolaturi, jew jirrifjutahom, id-Direttur għandu jipprovdi spjegazzjoni debitament iġġustifikati bil-miktub.

Jekk il-Bord tar-Regolaturi ma jagħtix opinjoni favorevoli dwar it-test ippreżentat mill-ġdid tal-abbozz ta' opinjoni, rakkomandazzjoni jew deċiżjoni minħabba li l-kummenti u l-emendi tiegħu ma ġewx riflessi kif xieraq fit-test ippreżentat mill-ġdid, id-Direttur jista' jirrevedi t-test tal-abbozz ta' opinjoni, rakkomandazzjoni jew deċiżjoni ulterjorment f'konformità mal-emendi u l-kummenti proposti mill-Bord tar-Regolaturi sabiex jikseb l-opinjoni favorevoli tiegħu, mingħajr ma jkollu jikkonsulta għal darb'oħra l-grupp ta' ħidma rilevanti jew ma jkollu jipprovdi raġunijiet addizzjonali bil-miktub.

Artikolu 25

Il-ħolqien u l-kompożizzjoni tal-Bord tal-Appell

1.   L-ACER għandha twaqqaf Bord tal-Appell.

2.   Il-Bord tal-Appell għandu jkun magħmul minn sitt membri u sitt sostituti, magħżula minn fost persunal fi gradi għolja, attwali jew tal-passat, tal-awtoritajiet nazzjonali, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jew istituzzjonijiet tal-Unjoni jew nazzjonali oħra, b'esperjenza rilevanti fis-settur tal-enerġija. Il-Bord tal-Appell għandu jaħtar il-President tiegħu.

Il-membri tal-Bord tal-Appell għandhom jinħatru formalment mill-Bord tal-Amministrazzjoni, fuq proposta tal-Kummissjoni, wara sejħa pubblika għal espressjoni ta' interess, u wara li jikkonsultaw mal-Bord tar-Regolaturi.

3.   Il-Bord tal-Appell għandu jadotta u jippubblika r-regoli ta' proċedura tiegħu. Dawk ir-regoli għandhom jistabbilixxu b'mod dettaljat l-arranġamenti li jirregolaw l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-Bord tal-Appell u r-regoli applikabbli għal appelli quddiem il-Bord, skont l-Artikolu 28. Il-Bord tal-Appell għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar l-abbozz tar-regoli ta' proċedura tiegħu kif ukoll kwalunkwe bidla sinifikanti għal dawk ir-regoli. Il-Kummissjoni tista' tagħti opinjoni dwar dawk ir-regoli fi żmien tliet xhur mid-data ta' meta tirċievi n-notifika.

Il-baġit tal-ACER għandu jinkludi linja baġitarja separata għall-finanzjament tal-funzjonament tar-reġistru tal-Bord tal-Appell.

4.   Id-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell għandhom jiġu adottati abbażi ta' maġġoranza ta' mill-anqas erbgħa mis-sitt membri tiegħu. Il-Bord tal-Appell għandu jiltaqa' meta jkun meħtieġ.

Artikolu 26

Il-Membri tal-Bord tal-Appell

1.   Il-mandat tal-membri tal-Bord tal-Appell għandu jkun ta' ħames snin. Dak il-mandat għandu jkun jista' jiġġedded darba.

2.   Il-membri tal-Bord tal-Appell għandhom jaġixxu b'mod indipendenti fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom. Huma ma għandhomx ikunu marbutin b'ebda istruzzjoni. Ma jistgħu jwettqu l-ebda dmir ieħor fl-ACER, fil-Bord tal-Amministrazzjoni tagħha, fil-Bord tar-Regolaturi tagħha jew fi kwalunkwe wieħed mill-gruppi ta' ħidma tagħha. Il-membri tal-Bord tal-Appell m'għandhomx jitneħħew mill-kariga tagħhom waqt il-mandat, sakemm membru ma jinstabx ħati ta' kondotta ħażina serja u l-Bord tal-Amministrazzjoni, wara li jkun ikkonsulta mal-Bord tar-Regolaturi, jieħu deċiżjoni f'dak ir-rigward.

Artikolu 27

Esklużjoni u oġġezzjoni fil-Bord tal-Appell

1.   Il-membri tal-Bord tal-Appell m'għandhomx jieħdu sehem fl-ebda proċedura ta' appell jekk ikollhom xi interess personali, jekk qabel kienu involuti bħala rappreżentanti ta' waħda mill-partijiet għall-proċeduri, jew jekk kienu pparteċipaw fid-deċiżjoni taħt appell.

2.   Membru tal-Bord tal-Appell għandu jinforma lill-Bord fil-każ li hu, għal xi waħda mir-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 1 jew għal xi raġuni oħra, jidhirlu li membru sieħeb m'għandux jieħu sehem f'xi proċedura tal-appell. Kwalunkwe parti għall-proċeduri tal-appell tista' toġġezzjona għall-parteċipazzjoni ta' xi Membru tal-Bord tal-Appell għal kwalunkwe waħda mir-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 1, jew f'każ ta' suspett ta' parzjalità. Tali oġġezzjoni m'għandhiex tkun ammissibbli jekk tkun ibbażata fuq in-nazzjonalità ta' membru jew jekk il-parti li qed toġġezzjona fil-proċedura tal-appell, waqt li tkun konxja mir-raġuni għal oġġezzjoni, tkun għamlet atti proċedurali fil-proċedimenti tal-appell li jkunu diversi mill-oġġezzjoni għall-kompożizzjoni tal-Bord tal-Appell.

3.   Il-Bord tal-Appell għandu jiddeċiedi dwar l-azzjoni li għandha tittieħed fil-każijiet speċifikati fil-paragrafi 1 u 2 mingħajr il-parteċipazzjoni tal-membru kkonċernat. Għall-iskopijiet tat-teħid ta' din id-deċiżjoni, il-membru kkonċernat għandu jiġi sostitwit fuq il-Bord tal-Appell mis-supplenti tiegħu. Jekk is-supplenti jsib ruħu f'qagħda simili, il-President għandu jaħtar sostitut minn fost is-supplenti l-oħra disponibbli.

4.   Il-membri tal-Bord tal-Appell għandhom jaraw li jaġixxu b'mod indipendenti fl-interess pubbliku. Għal dan il-għan, għandhom jagħmlu dikjarazzjoni bil-miktub tal-impenji u dikjarazzjoni bil-miktub tal-interessi li tkun tindika n-nuqqas ta' kull interess li jista' jiġi meqjus li jippreġudika l-indipendenza tagħhom jew li jintika kwalunkwe interess dirett jew indirett li jista' jitqies li jippreġudika l-indipendenza tagħhom. Dawn id-dikjarazzjonijiet għandhom isiru pubbliċi ta' kull sena.

Artikolu 28

Deċiżjonijiet soġġetti għal appell

1.   Kull persuna fiżika jew ġuridika, inklużi l-awtoritajiet regolatorji, tista' tappella kontra deċiżjoni msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 2 li tkun indirizzata lil dik il-persuna, jew kontra deċiżjoni li, għalkemm fil-forma ta' deċiżjoni indirizzata lil persuna oħra, tikkonċerna direttament lil dik il-persuna.

2.   L-appell għandu jinkludi stqarrija tar-raġunijiet għall-appell u għandu jitressaq bil-miktub lill-ACER fi żmien xahrejn min-notifika tad-deċiżjoni lill-persuna kkonċernata, jew, fin-nuqqas tagħha, fi żmien xahrejn mill-jum li fih l-ACER tkun ippubblikat id-deċiżjoni tagħha. Il-Bord tal-Appell ghandu jiddeċiedi dwar l-appell fi żmien erba' xhur wara li jkun tressaq l-appell.

3.   Appell li jsir skont il-paragrafu 1 hawn fuq m'għandux ikollu effett ta' sospensjoni. Il-Bord tal-Appell jista', madankollu, jekk iqis illi ċ-ċirkostanzi hekk jirrikjedu, jissospendi l-applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

4.   Jekk l-appell ikun ammissibbli, il-Bord tal-Appell għandu jeżamina jekk l-appell huwiex imsejjes fuq bażi soda. Kull meta jkun meħtieġ, għandu jistieden lill-partijiet għall-proċeduri tal-appell sabiex iressqu osservazzjonijiet dwar notifiki maħruġa minnu stess, jew dwar komunikazzjonijiet mill-partijiet l-oħra għall-proċeduri tal-appell, fil-limiti ta' żmien speċifikati. Il-partijiet għall-proċeduri tal-appell għandu jkollhom il-jedd li jagħmlu preżentazzjoni orali.

5.   Il-Bord tal-Appell jista' jikkonferma d-deċiżjoni, jew jista' jgħaddi l-każ lill-entità kompetenti tal-ACER. Din tal-aħħar għandha tkun marbuta bid-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell.

6.   L-ACER għandha tippubblika d-deċiżjonijiet meħuda mill-Bord tal-Appell.

Artikolu 29

Kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

Kawżi dwar l-annullament ta' deċiżjoni maħruġa mill-ACER skont dan ir-Regolament u azzjonijiet għal nuqqas ta' azzjoni fil-limiti ta' żmien applikabbli, jistgħu jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea biss wara li tkun intemmet il-proċedura tal-appell imsemmija fl-Artikolu 28. L-ACER għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tikkonforma mas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 30

Gruppi ta' ħidma

1.   Meta jkun ġustifikat, u b'mod partikolari biex jappoġġa l-ħidma tad-Direttur u tal-Bord tar-Regolaturi fir-rigward ta' kwistjonijiet regolatorji u għall-fini tat-tħejjija ta' opinjonijiet, rakkomandazzjonijiet u deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1), l-Artikoli 4 sa 8, l-Artikolu 9(1) u (3), l-Artikolu 10, il-punt (c) tal-Artikolu 11, l-Artikolu 13, l-Artikolu 15(4), u l-Artikoli 30 u 43, il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jistabbilixxi jew ineħħi gruppi ta' ħidma abbażi ta' proposta konġunta mid-Direttur u l-Bord tar-Regolaturi.

It-twaqqif jew it-tneħħija ta' grupp ta' ħidma għandu jirrikjedi opinjoni favorevoli tal-Bord tar-Regolaturi.

2.   Il-gruppi ta' ħidma għandhom ikunu magħmula minn esperti mill-persunal tal-ACER u mill-awtoritajiet regolatorji. L-esperti mill-Kummissjoni jistgħu jipparteċipaw fil-gruppi ta' ħidma. L-ACER m'għandhiex tkun responsabbli għall-ispejjeż għall-parteċipazzjoni ta' esperti mill-persunal ta' awtoritajiet regolatorji fil-gruppi ta' ħidma tal-ACER. Il-gruppi ta' ħidma għandhom iqisu l-fehmiet ta' esperti minn awtoritajiet nazzjonali rilevanti oħrajn fejn dawk l-awtoritajiet ikunu kompetenti.

3.   Il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jadotta u jippubblika regoli ta' proċedura interni għall-funzjonament tal-gruppi ta' ħidma abbażi ta' proposta mid-Direttur u wara li jkun ikkonsulta mal-Bord tar-Regolaturi u kiseb l-opinjoni favorevoli tiegħu.

4.   Il-Gruppi ta' Ħidma tal-ACER għandhom iwettqu l-attivitajiet assenjati lilhom fid-dokument ta' programmazzjoni adottat skont l-Artikolu 20 u kwalunkwe attività skont dan ir-Regolament assenjata lilhom mill-Bord tar-Regolaturi u mid-Direttur.

Kapitolu III

It-twaqqif u l-istruttura tal-baġit

Artikolu 31

L-istruttura tal-baġit

1.   Mingħajr preġudizzju għal riżorsi oħra, id-dħul tal-ACER għandu jkun magħmul minn:

(a)

kontribuzzjoni mill-Unjoni;

(b)

id-drittijiet imħallsa lill-ACER bi qbil mal-Artikolu 32;

(c)

kwalunkwe kontributi volontarji mill-Istati Membri jew mill-awtoritajiet regolatorji skont il-punt (g) tal-Artikolu 19(1);

(d)

legati, donazzjonijiet jew għotjiet skont il-punt (g) tal-Artikolu 19(1).

2.   In-nefqa tal-ACER għandha tinkludi l-ispejjeż tal-persunal, l-ispejjeż amministrattivi, l-ispejjeż infrastrutturali u l-ispejjeż operattivi.

3.   Id-dħul u l-infiq tal-ACER għandhom ikunu f'bilanċ.

4.   Għandhom isiru previżjonijiet tad-dħul u l-infiq kollu tal-ACER għal kull sena finanzjarja, li tikkoinċidi mas-sena kalendarja, u dawn għandhom jiddaħħlu fil-baġit tagħha.

5.   Id-dħul li tirċievi l-ACER ma għandux jikkomprometti n-newtralità, l-indipendenza jew l-oġġettività tagħha.

Artikolu 32

Drittijiet

1.   Id-drittijiet għandhom ikunu dovuti lill-ACER għal dawn li ġejjin:

(a)

għal talbiet għal deċiżjoni ta' eżenzjoni skont l-Artikolu 10 ta' dan ir-Regolament u għal deċiżjonijiet dwar allokazzjoni tal-ispejjeż transfruntiera li tipprovdi l-ACER skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 347/2013;

(b)

għall-ġbir, it-trattament, l-ipproċessar u l-analiżi ta' informazzjoni rrapportata minn parteċipanti fis-suq jew entitajiet li jirrapportaw f'isimhom skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011.

2.   Id-drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1, u l-mod kif dawn jitħallsu, għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni wara li twettaq konsultazzjoni pubblika u wara konsultazzjoni mal-Bord tal-Amministrazzjoni u l-Bord tar-Regolaturi. Id-drittijiet għandhom ikunu proporzjonati skont l-ispejjeż tas-servizzi rilevanti kif ipprovdut b'mod kost-effettiv u għandhom ikunu suffiċjenti biex ikopru dawk l-ispejjeż. Dawk l-ispejjeż għandhom jiġu ffissati fuq livell li jiżgura li ma jkunux diskriminatorji u li jevitaw piż finanzjarju jew amministrattiv eċċessiv fuq il-parteċipanti fis-suq jew l-entitajiet li jaġixxu f'isimhom.

Il-Kummissjoni għandha teżamina regolarment il-livell ta' dawk id-drittijiet abbażi ta' evalwazzjoni u, jekk ikun meħtieġ, għandha tadatta l-livell ta' dawk id-drittijiet u l-mod kif ser jitħallsu.

Artikolu 33

L-istabbiliment tal-baġit

1.   Kull sena, id-Direttur għandu jħejji abbozz proviżorju tal-estimi li jkopri n-nefqa operattiva u l-programm ta' ħidma mistennija għas-sena finanzjarja ta' wara, u għandu jibgħat dak l-abbozz proviżorju tal-estimi lill-Bord tal-Amministrazzjoni flimkien ma' lista tal-karigi proviżorji.

2.   L-abbozz proviżorju tal-estimi għandu jkun ibbażat fuq l-għanijiet u r-riżultati mistennija tad-dokument ta' programmazzjoni msemmi fl-Artikolu 20(1), u għandu jqis ir-riżorsi finanzjarji li huma meħtieġa sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet u r-riżultati mistennija.

3.   Kull sena, il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jadotta abbozz proviżorju tal-estimi tad-dħul u l-infiq tal-ACER għas-sena finanzjarja ta' wara, abbażi tal-abbozz proviżorju tal-estimi imħejji mid-Direttur.

4.   L-abbozz proviżorju tal-estimi, li għandu jinkludi abbozz ta' pjan ta' stabbiliment, għandu jintbagħat mill-Bord tal-Amministrazzjoni lill-Kummissjoni sal-31 ta' Jannar ta' kull sena. Qabel ma jiġu adottati l-estimi, l-abbozz imħejji mid-Direttur għandu jintbagħat lill-Bord tar-Regolaturi, li jista' joħroġ opinjoni ġustifikata dwar l-abbozz.

5.   L-estimi msemmija fil-paragrafu 3 għandhom jintbagħtu mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill flimkien mal-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni.

6.   Abbażi tal-abbozz tal-estimi, il-Kummissjoni għandha ddaħħal fl-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni l-estimi li tqis meħtieġa rigward il-pjan ta' stabbiliment u l-ammont tal-għotja li għandha titħallas mill-baġit ġenerali tal-Unjoni bi qbil mal-Artikoli 313 sa 316 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

7.   Il-Kunsill, fl-irwol tiegħu ta'awtorità baġitarja għandu jadotta l-pjan tal-istabbiliment għall-ACER.

8.   Il-baġit tal-ACER għandu jiġi adottat mill-Bord tal-Amministrazzjoni. Għandu jitqies finali wara l-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali tal-Unjoni. Fejn ikun meħtieġ, għandu jkun aġġustat skont il-każ.

9.   Kwalunkwe modifika fil-baġit, inkluż il-pjan ta' stabbiliment, għandha ssegwi l-istess proċedura.

10.   Sal-5 ta' Lulju 2020, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk ir-riżorsi finanzjarji u umani għad-dispożizzjoni tal-ACER jħalluhiex twettaq ir-rwol tagħha skont dan ir-Regolament li taħdem lejn il-kisba ta' suq intern tal-enerġija u tikkontribwixxi għas-sigurtà tal-enerġija għall-benefiċċju tal-konsumaturi fl-Unjoni.

11.   Il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jinnotifika mingħajr dewmien lill-awtorità tal-baġit bl-intenzjoni tiegħu li jimplimenta xi proġett li jista' jkollu implikazzjonijiet finanzjarji sinifikanti għall-finanzjament tal-baġit tal-ACER, b'mod partikolari kwalunkwe proġett marbut mal-proprjetà. Il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jinforma wkoll lill-Kummissjoni b'dan. Jekk kwalunkwe fergħa tal-awtorità tal-baġit ikollha l-intenzjoni li toħroġ opinjoni, hija għandha, fi żmien ġimagħtejn mill-wasla tal-informazzjoni dwar il-proġett, tinnotifika lill-ACER dwar din l-intenzjoni tagħha. Fin-nuqqas ta' tweġiba, l-ACER tista' tipproċedi bil-proġett ippjanat.

Artikolu 34

L-implimentazzjoni u l-kontroll tal-baġit

1.   Id-Direttur għandu jaqdi d-dmirijiet tiegħu bħala uffiċjal ta' awtorizzazzjoni u għandu jimplimenta l-baġit tal-ACER.

2.   Sal-1 ta' Marzu ta' wara l-għeluq ta' kull sena finanzjarja, l-uffiċjal tal-kontijiet tal-ACER għandu jibgħat il-kontijiet proviżorji, flimkien mar-rapport dwar it-tmexxija baġitarja u finanzjarja ta' dik is-sena finanzjarja, lill-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri. L-uffiċjal tal-kontijiet tal-ACER għandu jibgħat ukoll ir-rapport dwar it-tmexxija baġitarja u finanzjarja lill-Parlament u lill-Kunsill sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu tas-sena ta' wara. Wara dan, l-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni għandu jikkonsolida l-kontijiet proviżorji tal-istituzzjonijiet u tal-entitajiet deċentralizzati, bi qbil mal-Artikolu 245 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22) (“ir-Regolament Finanzjarju”).

Artikolu 35

Il-preżentazzjoni tal-kontijiet u l-kwittanza

1.   L-uffiċjal tal-kontijiet tal-ACER għandu jippreżenta l-kontijiet proviżorji għas-sena finanzjarja (sena N) lill-Uffiċjal tal-Kontijiet tal-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri sal-1 ta' Marzu tas-sena finanzjarja ta' wara (sena N+1).

2.   L-ACER għandha tippreżenta rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja għas-sena N lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri sal-31 ta' Marzu tas-sena N+1.

Sal-31 ta' Marzu tas-sena N+1, l-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni għandu jippreżenta l-kontijiet proviżorji tal-ACER lill-Qorti tal-Awdituri. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta wkoll ir-rapport dwar it-tmexxija baġitarja u finanzjarja ta' dik is-sena finanzjarja għandu jintbagħat ukoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

3.   Wara li jkun irċieva l-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri rigward il-kontijiet proviżorji tal-ACER għas-sena N skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 246 tar-Regolament Finanzjarju, l-uffiċjal tal-kontijiet għandu jelabora l-kontijiet definittivi tal-ACER għal dik is-sena fuq ir-responsabbiltà tiegħu stess. Id-Direttur għandu jibgħathom lill-Bord tal-Amministrazzjoni għal opinjoni.

4.   Il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu joħroġ opinjoni dwar il-kontijiet definittivi tal-ACER għas-sena N.

5.   Sal-1 ta' Lulju, l-uffiċjal tal-kontijiet tal-ACER għandu jippreżenta l-kontijiet definittivi għas-sena N, flimkien mal-opinjoni tal-Bord tal-Amministrazzjoni għas-sena N+1, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri.

6.   Il-kontijiet finali għandhom jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sal-15 ta' Novembru tas-sena N+1.

7.   Id-Direttur għandu jippreżenta tweġiba lill-Qorti tal-Awdituri għall-osservazzjonijiet tagħha sat-30 ta' Settembru tas-sena N+1. Id-Direttur għandu jippreżenta wkoll kopja ta' dik it-tweġiba lill-Bord tal-Amministrazzjoni u lill-Kummissjoni.

8.   Id-Direttur għandu jippreżenta lill-Parlament Ewropew, fuq talba ta' dan tal-aħħar, kull tagħrif meħtieġ għall-applikazzjoni bla xkiel tal-proċedura ta' kwittanza għas-sena N b'konformità mal-Artikolu 109(3) tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1271/2013.

9.   Il-Parlament Ewropew, fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill li jkun qed jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, għandu, qabel il-15 ta' Mejju tas-sena N+2, jagħti kwittanza lid-Direttur Ġenerali fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja N.

Artikolu 36

Ir-regoli finanzjarji

Ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-ACER għandhom jiġu adottati mill-Bord tal-Amministrazzjoni wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni. Dawn ir-regoli jistgħu jiddevjaw mir-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1271/2013 jekk il-ħtiġijiet operattivi speċifiċi għall-funzjonament tal-ACER hekk jirrikjedu u biss bil-qbil minn qabel tal-Kummissjoni.

Artikolu 37

Il-ġlieda kontra l-frodi

1.   Biex jiffaċilita l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u attivitajiet illeċiti oħra skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23),, l-ACER għandha taderixxi mal-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta' Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet interni mill-OLAF (24) u għandha tadotta d-dispożizzjonijiet xierqa applikabbli għall-impjegati kollha tal-ACER billi tagħmel użu mill-mudell stabbilit fl-Anness għal dak il-Ftehim.

2.   Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri għandu jkollha s-setgħa li twettaq awditi fuq il-post, kif ukoll awditjar abbażi ta' dokumenti, fir-rigward tal-benefiċjarji ta' għotjiet, tal-kuntratturi u tas-sottokuntratturi li jkunu rċevew fondi tal-Unjoni mingħand l-ACER.

3.   L-OLAF jista' jwettaq investigazzjonijiet, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, bil-ħsieb li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b'rabta ma' għotja jew kuntratt iffinanzjat mill-ACER, f'konformità mad-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (25).

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1, 2 u 3, ftehimiet ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, kuntratti, ftehimiet ta' għotja u deċiżjonijiet ta' għotja tal-ACER għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jagħtu s-setgħa, b'mod espliċitu, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri u lill-OLAF biex iwettqu l-verifiki u l-investigazzjonijiet imsemmija f'dan l-Artikolu, f'konformità mal-kompetenzi rispettivi tagħhom.

Kapitolu IV

Dispożizzjonijiet ġenerali u finali

Artikolu 38

Privileġġi u immunitajiet u l-Ftehim tal-Kwartieri Ġenerali

1.   Il-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea anness mat-TUE u t-TFUE għandu japplika għall-ACER u għall-persunal tagħha.

2.   L-arranġamenti meħtieġa rigward l-akkomodazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-ACER fl-Istat Membru ospitanti u l-faċilitajiet li għandhom ikunu magħmula disponibbli minn dak l-Istat Membru flimkien mar-regoli speċifiċi applikabbli għad-Direttur fl-Istat Membru ospitanti, il-membri tal-Bord tal-Amministrazzjoni, il-persunal tal-ACER u l-membri tal-familji tagħhom għandhom jiġu stabbiliti fi Ftehim tal-Kwartieri Ġenerali bejn l-ACER u l-Istat Membru fejn tkun tinsab is-sede. Dak il-ftehim għandu jiġi konkluż wara li tinkiseb l-approvazzjoni tal-Bord tal-Amministrazzjoni.

Artikolu 39

Il-Persunal

1.   Ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg u r-regoli adottati b'mod konġunt mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonjiet tal-Impjieg għandhom japplikaw għall-persunal kollu tal-ACER, inkluż id-Direttur tagħha.

2.   Il-Bord tal-Amministrazzjoni, bi qbil mal-Kummissjoni, għandu jadotta l-miżuri ta' implimentazzjoni adatti, bi qbil mal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal.

3.   Fir-rigward tal-persunal tagħha, l-ACER għandha teżerċita s-setgħat konferiti fuq l-awtorità tal-ħatra mir-Regolamenti tal-Persunal u fuq l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti mill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg.

4.   Il-Bord tal-Amministrazzjoni jista' jadotta dispożizzjonijiet oħra sabiex esperti nazzjonali minn Stati Membri jkunu jistgħu jiġu impjegati billi jiġu ssekondati mal-ACER.

Artikolu 40

Responsabbiltà tal-ACER

1.   Ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-ACER għandha tkun regolata mil-liġi applikabbli għall-kuntratt inkwistjoni.

Kwalunkwe klawżola ta' arbitraġġ li tinsab f'kuntratt li jkun ġie konkluż mill-ACER għandu jkun soġġett għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

2.   Fil-każ ta' responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-ACER, skont il-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri, għandha tagħmel tajjeb għal kwalunkwe ħsara kkaġunata minnha jew mill-persunal tagħha fil-qadi ta' dmirijiethom.

3.   Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha l-ġurisdizzjoni f'tilwimiet marbuta mal-kumpens għal danni msemmija fil-paragrafu 2.

4.   Ir-responsabbiltà finanzjarja personali u r-responsabbiltà dixxiplinarja tal-persunal tal-ACER lejn l-ACER għandhom ikunu rregolati mid-dispożizzjonijiet rilevanti li japplikaw għall-persunal tal-ACER.

Artikolu 41

Trasparenza u komunikazzjoni

1.   Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (26) għandu japplika għad-dokumenti miżmuma mill-ACER.

2.   Il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jadotta miżuri prattiċi għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

3.   Id-deċiżjonijiet meħuda mill-ACER bi qbil mal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jistgħu jkunu s-suġġett ta' lment lill-Ombudsman jew ta' kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, skont il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 228 u 263 tat-TFUE.

4.   L-ipproċessar ta' data personali mill-ACER għandu jkun suġġett għar-Regolament (UE) Nru 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (27). Il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jistabbilixxi miżuri għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) 2018/1725 mill-ACER, inklużi miżuri li jikkonċernaw il-ħatra ta' Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-ACER. Dawk il-miżuri għandhom jiġu stabbiliti wara li ssir konsultazzjoni mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta.

5.   L-ACER tista' tinvolvi ruħha f'attivitajiet ta' komunikazzjoni fuq inizjattiva tagħha stess fil-qasam ta' kompetenza tagħha. L-allokazzjoni ta' riżorsi għal attivitajiet ta' komunikazzjoni ma għandhiex tkun ta' detriment għat-twettiq b'mod effettiv tal-kompiti msemmija fl-Artikoli 3 sa 13. L-attivitajiet ta' komunikazzjoni għandhom jitwettqu skont il-pjanijiet rilevanti ta' komunikazzjoni u disseminazzjoni adottati mill-Bord tal-Amministrazzjoni.

Artikolu 42

Il-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata u ta' informazzjoni sensittiva mhux klassifikata

1.   L-ACER għandha tadotta regoli proprji ta' sigurtà, li għandhom ikunu ekwivalenti għar-regoli ta' sigurtà tal-Kummissjoni għall-protezzjoni ta' Informazzjoni Klassifikata tal-Unjoni Ewropea (IKUE) u ta' informazzjoni sensittiva mhux klassifikata, inklużi dispożizzjonijiet għall-iskambju, l-ipproċessar u l-ħżin ta' tali informazzjoni kif stabbilit fid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 (28) u (UE, Euratom) 2015/444 (29).

2.   L-ACER tista' wkoll tiddeċiedi li tapplika d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni msemmija fil-paragrafu 1 mutatis mutandis. Ir-regoli tal-ACER dwar is-sigurtà għandhom ikopru, fost l-oħrajn, dispożizzjonijiet għall-iskambju, l-ipproċessar u l-ħżin tal-IKUE u ta' informazzjoni sensittiva mhux klassifikata.

Artikolu 43

Ftehimiet ta' kooperazzjoni

1.   L-ACER għandha tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi li jkunu kkonkludew ftehimiet mal-Unjoni u li jkunu adottaw u qegħdin japplikaw ir-regoli rilevanti tal-liġi tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija, inkluż b'mod partikolari r-regoli dwar l-awtoritajiet tar-regolaturi indipendenti, l-aċċess ta' partijiet terzi għall-infrastruttura u d-diżaggregazzjoni, in-negozju fl-enerġija u t-tħaddim tas-sistemi u l-parteċipazzjoni u l-ħarsien tal-konsumaturi, kif ukoll ir-regoli rilevanti fl-oqsma tal-ambjent u l-kompetizzjoni.

2.   Soġġett għall-konklużjoni ta' ftehim għal dak l-għan bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi kif imsemmi fil-paragrafu 1, l-ACER tista' teżerċita wkoll il-kompiti tagħha skont l-Artikoli 3 sa 13 fir-rigward ta' pajjiżi terzi, sakemm dawk il-pajjiżi terzi jkunu adottaw u japplikaw ir-regoli rilevanti f'konformità mal-paragrafu 1 u jkunu nkarigaw lill-ACER biex tikkoordina l-attivitajiet tar-regolaturi indipendenti tagħhom ma' dawk tal-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri. Huwa f'dawn il-każijiet biss li r-referenzi għal kwistjonijiet ta' natura transfruntiera għandhom jikkonċernaw fruntieri bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi, u mhux fruntieri bejn żewġ Stati Membri.

3.   Il-ftehim imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jipprovdu għal arranġamenti li jispeċifikaw, b'mod partikolari, in-natura, l-ambitu u l-aspetti proċedurali tal-involviment ta' dawn il-pajjiżi fil-ħidma tal-ACER, inklużi dispożizzjonijiet relatati mal-kontribuzzjonijiet finanzjarji u mal-persunal.

4.   Il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jadotta regoli ta' proċedura għar-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi msemmija fil-paragrafu 1 wara li jkun irċieva opinjoni pożittiva mingħand il-Bord tar-Regolaturi,. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-ACER topera fil-mandat tagħha u fi ħdan il-qafas istituzzjonali eżistenti billi tikkonkludi akkordju ta' ħidma xieraq mad-Direttur tal-ACER.

Artikolu 44

L-arranġamenti lingwistiċi

1.   Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill Nru (30) għandhom japplikaw għall-ACER.

2.   Il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jiddeċiedi dwar l-arranġamenti interni għal-lingwi għall-ACER.

3.   Is-servizzi ta' traduzzjoni meħtieġa għall-funzjonament tal-ACER għandhom jiġu pprovduti miċ-Ċentru ta' Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 45

Evalwazzjoni

1.   Sal-5 ta' Lulju 2024, u kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni, bl-assistenza ta' espert estern indipendenti, għandha twettaq evalwazzjoni biex tivvaluta l-prestazzjoni tal-ACER b'rabta mal-għanijiet, il-mandat u l-kompiti tagħha. B'mod partikolari, l-evalwazzjoni għandha tindirizza l-ħtieġa possibbli li jsiru modifiki fil-mandat tal-ACER u l-implikazzjonijiet finanzjarji ta' kwalunkwe waħda minn dawn il-modifiki.

2.   Meta l-Kummissjoni tqis li l-kontinwazzjoni tal-eżistenza tal-ACER ma tkunx ġustifikata aktar fir-rigward tal-għanijiet, tal-mandat u tal-kompiti assenjati lilha, hija tista' tipproponi li dan ir-Regolament jiġi emendat kif xieraq, jew li jitħassar, wara li titwettaq konsultazzjoni adegwata mal-partijiet ikkonċernati u mal-Bord tar-Regolaturi.

3.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta r-riżultati tal-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 u l-konklużjonijiet tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Bord tar-Regolaturi tal-ACER. Ir-riżultati tal-evalwazzjoni għandhom jiġu ppubblikati.

4.   Sal-31 ta' Ottubru 2025, u tal-anqas kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport li jevalwa dan ir-Regolament u, b'mod partikolari, il-kompiti tal-ACER li jinvolvu deċiżjonijiet individwali. Dak ir-rapport għandu, kif xieraq, iqis ir-riżultati tal-valutazzjoni skont l-Artikolu 69(1) tar-Regolament (UE) 2019/943.

Il-Kummissjoni għandha, fejn ikun xieraq, tippreżenta proposta leġiżlattiva flimkien mar-rapport tagħha.

Artikolu 46

Tħassir

Ir-Regolament (KE) Nru 713/2009 huwa mħassar.

Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 47

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Ġunju 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  ĠU C 288, 31.8.2017, p. 91.

(2)  ĠU C 342, 12.10.2017, p. 79.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Marzu 2019 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2019.

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 li jistabbilixxi Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 1)

(5)  Ara l-Anness I.

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa (ĠU L 326, 8.12.2011, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009 (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 39).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2017 dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 994/2010 (ĠU L 280, 28.10.2017, p. 1).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2019/941 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2019 dwar it-tħejjija għar-riskji fis-settur tal-elettriku u li jħassar id-Direttiva 2005/89/KE (Ara l-paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(10)  Id-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (Ara l-paġna 125 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(11)  Id-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 94).

(12)  Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1).

(13)  Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea dwar l-aġenziji deċentralizzati tad-19.7.2012.

(14)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42).

(15)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2965/94 tat-28 ta' Novembru 1994 li jistabbilixxi Ċentru tat-Traduzzjoni għall-entitajiet tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 314, 7.12.1994, p. 1).

(16)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tad-29 ta' Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali u l-kondizzjonijiet ta' impjieg ta' uffiċjali oħra tal-Komunitajiet Ewropej u li jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-Uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1).

(17)  Deċiżjoni meħuda bil-ftehim komuni bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tas-7 ta' Diċembru 2009 dwar il-post tas-sede tal-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU L 322, 9.12.2009, p. 39).

(18)  Ir-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2019 (Ara l-paġna 54 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(19)  Ir-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-netwerks ta' trażmissjoni tal-gass naturali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 36).

(20)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(21)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 tal-24 ta' Lulju 2015 li jistabbilixxi Linji Gwida dwar l-Allokazzjoni tal-Kapaċità u l-Ġestjoni tal-Konġestjoni (ĠU L 197, 25.7.2015, p. 24).

(22)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(23)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999. (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(24)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 15.

(25)  Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

(26)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(27)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(28)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta' Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41).

(29)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta' Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-Sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53).

(30)  Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 17, 6.10.1958, p. 385).


ANNESS I

Regolament imħassar bl-emenda għalih

Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 li jistabbilixxi Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija

(ĠU L 211, 14.8.2009, p. 1)

 

Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta' April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009

Ir-referenza magħmula mill-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) Nru 347/2013 għall- Artikolu 22(1) tar-Regolament (KE) Nru 713/2009 biss.


ANNESS II

Tabella ta' Korrelazzjoni

Regolament (KE) Nru 713/2009

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 4

Artikolu 2

Artikolu 5

Artikolu 3

Artikolu 6(1) sa (3) u (4) l-ewwel paragrafu

Artikolu 4

Artikolu 6 (4) it-tieni sas-sitt subparagrafu u l-paragrafi (5), (6) u (9)

Artikolu 5

Artikolu 7 u 8

Artikolu 6

Artikolu 7

Artikolu 8

Artikolu 9

Artikolu 9 (1) sa (2) l-ewwel subparagrafu

Artikolu 10

Artikolu 6 (7) u (8)

Artikolu 11

Artikolu 12

Artikolu 9 (2) (it-tieni subparagrafu)

Artikolu 13

Artikolu 10

Artikolu 14

Artikolu 11

Artikolu 15

Artikolu 2

Artikolu 16

Artikolu 3

Artikolu 17

Artikolu 12

Artikolu 18

Artikolu 13

Artikolu 19

Artikolu 20

Artikolu 14(1) u (2)

Artikolu 21

Artikolu 14(3) sa (6)

Artikolu 22 (1) sa (4)

Artikolu 15

Artikolu 22 (5) u (6)

Artikolu 16

Artikolu 23

Artikolu 17

Artikolu 24

Artikolu 18(1) sa (2)

Artikolu 25 (1), (2) u (4)

Artikolu 19 (6)

Artikolu 25 (3)

Artikolu 18 (3)

Artikolu 26

Artikolu 18(4) sa (7)

Artikolu 27

Artikolu 19 (1) sa (5) u (7)

Artikolu 28

Artikolu 20

Artikolu 29

Artikolu 30

Artikolu 21

Artikolu 31

Artikolu 22

Artikolu 32

Artikolu 23

Artikolu 33

Artikolu 24 (1) (2)

Artikolu 34

Artikolu 24 (3 u jkompli)

Artikolu 35

Artikolu 25

Artikolu 36

Artikolu 37

Artikolu 27

Artikolu 38

Artikolu 28

Artikolu 39

Artikolu 29

Artikolu 40

Artikolu 30

Artikolu 41 (1) sa (3)

Artikolu 42

Artikolu 31

Artikolu 43

Artikolu 33

Artikolu 44

Artikolu 34

Artikolu 45

Artikolu 46

Artikolu 35

Artikolu 47


14.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 158/54


REGOLAMENT (UE) 2019/943 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-5 ta' Ġunju 2019

dwar is-suq intern tal-elettriku

(riformulazzjoni)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 194(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) ġie emendat sostanzjalment diversi drabi. Peress li għandhom isiru aktar emendi, jenħtieġ li dan ir-Regolament jiġi riformulat fl-interess taċ-ċarezza.

(2)

L-Unjoni tal-Enerġija għandha l-għan li tipprovdi lill-klijenti aħħarija, kemm jekk huma unità domestika kif ukoll negozju, b'enerġija mingħajr periklu, sigura, sostenibbli, kompetittiva u għall-but ta' kulħadd. Tradizzjonalment is-sistema tal-elettriku kienet iddominata b'monopolji integrati vertikalment u li ta' spiss kienu jkunu ta' proprjetà pubblika, b'impjanti kbar ċentralizzati tal-enerġija nukleari u tal-karburant fossili. Is-suq intern tal-elettriku, li ilu jiġi implimentat progressivament mill-1999, għandu l-mira li jipprovdi għażla reali lill-konsumaturi kollha fl-Unjoni, opportunitajiet ġodda ta' negozju u aktar kummerċ transkonfinali sabiex jiġu żgurati gwadanji f'termini ta' effiċjenza, prezzijiet kompetittivi u standards ogħla ta' servizz, kif ukoll sabiex jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-provvista u għas-sostenibbiltà. Is-suq intern tal-elettriku żied il-kompetizzjoni, b'mod partikolari fil-livell bl-ingrossa u fil-kummerċ transżonali. Dan jibqa' l-pedament ta' suq effiċjenti fl-enerġija.

(3)

Bħalissa s-sistema tal-enerġija tal-Unjoni għaddejja mill-akbar bidla radikali tagħha matul dawn l-aħħar għexieren ta' snin u s-suq tal-elettriku jinsab fil-qalba ta' din il-bidla. L-għan komuni li tiġi dekarbonizzata s-sistema tal-enerġija joħloq opportunitajiet u sfidi ġodda għall-parteċipanti fis-suq. Fl-istess ħin l-iżviluppi teknoloġiċi jippermettu forom ġodda ta' parteċipazzjoni tal-konsumatur u ta' kooperazzjoni transkonfinali.

(4)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tas-suq intern tal-elettriku filwaqt li jinkludi r-rekwiżiti relatati mal-iżvilupp ta' enerġija rinnovabbli u mal-politika ambjentali, b'mod partikolari regoli speċifiċi għal ċerti tipi ta' faċilitajiet li jiġġeneraw enerġija rinnovabbli, dwar l-ibbilanċjar tar-responsabbiltà, id-dispaċċ u d-dispaċċ mill-ġdid kif ukoll limitu massimu għall-emissjonijiet tas-CO2 tal-kapaċità ta' ġenerazzjoni l-ġdida metatali kapaċità tkun soġġetta għal miżuri temporanji biex jiġi żgurat il-livell meħtieġ ta' adegwatezza tar-riżorsi jiġifieri mekkaniżmi ta' kapaċità.

(5)

Elettriku minn sorsi rinnovabbli minn faċilitajiet żgħar ta' ġenerazzjoni tal-elettriku jenħtieġ li jingħataw dispaċċ ta' prijorità jew permezz ta' ordni ta' prijorità speċifika fil-metodoloġija ta' dispaċċ jew permezz ta' rekwiżiti legali jew regolatorji għall-operaturi tas-suq biex jipprovdu dan l-elettriku fis-suq. Id-dispaċċ ta' prijorità li ngħata fis-servizzi ta' tħaddim tas-sistema taħt l-istess kundizzjonijiet ekonomiċi jenħtieġ li jitqies bħala konformi ma' dan ir-Regolament. Fi kwalunkwe każ, id-dispaċċ ta' prijorità jenħtieġ li jitqies bħala kompatibbli mal-parteċipazzjoni fis-suq tal-elettriku tal-faċilitajiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija li jużaw sorsi ta' enerġija rinnovabbli.

(6)

L-interventi Statali li ta' spiss ma jitfasslux b'mod koordinat, wasslu għal żieda fid-distorsjonijiet tas-suq tal-elettriku bl-ingrossa, b'konsegwenzi negattivi għall-investimenti u għall-kummerċ transkonfinali.

(7)

Fil-passat il-klijenti tal-elettriku kienu purament passivi, tant li ta' spiss kienu jixtru l-elettriku bi prezzijiet regolati li ma kellhom l-ebda relazzjoni diretta mas-suq. Fil-futur il-klijenti jridu jkunu f'pożizzjoni li jipparteċipaw bis-sħiħ fis-suq, fuq l-istess livell mal-parteċipanti l-oħra fis-suq u hemm bżonn li jingħataw is-setgħa biex jimmaniġġjaw il-konsum tal-enerġija tagħhom. Sabiex jiġu integrati l-ishma dejjem akbar tal-enerġija rinnovabbli, jenħtieġ li s-sistema futura tal-elettriku tuża s-sorsi kollha disponibbli ta' flessibbiltà, b'mod partikolari soluzzjonijiet fin-naħa tad-domanda u l-ħżin tal-enerġija, u jenħtieġ li jagħmlu użu mid-diġitalizzazzjoni permezz tal-integrazzjoni ta' teknoloġiji innovattivi mas-sistema tal-elettriku. Biex tinkiseb id-dekarbonizzazzjoni effettiva bl-aktar prezz baxx, jeħtieġ ukoll li s-sistema futura tal-elettriku tħeġġeġ l-effiċjenza fl-enerġija. Il-kisba tas-suq intern tal-enerġija permezz tal-integrazzjoni effikaċi tal-enerġija rinnovabbli tista' tixpruna l-investimenti fit-tul u tista' tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi tal-Unjoni tal-Enerġija u l-qafas tal-klima u l-enerġija tal-2030, kif stipulat fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Jannar 2014 intitolata 'Qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija fil-perjodu mill-2020 sal-2030', u approvat fil-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu tat-23 u l-24 ta' Ottubru 2014.

(8)

L-integrazzjoni akbar fis-suq u l-bidla għal produzzjoni tal-elettriku aktar volatili jeħtieġu sforzi akbar biex jikkoordinaw il-politiki tal-enerġija nazzjonali ma' dawk tal-pajjiżi ġirien u biex jużaw l-opportunitajiet tal-kummerċ transkonfinali tal-elettriku.

(9)

Ġew żviluppati oqfsa regolatorji li permezz tagħhom l-elettriku jista' jiġi kkummerċjalizzat fl-Unjoni kollha. Dak l-iżvilupp kien appoġġat bl-adozzjoni ta' diversi kodiċijiet tan-netwerk u ta' linji gwida għall-integrazzjoni tas-swieq tal-elettriku. Dawk il-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida jinkludu dispożizzjonijiet dwar ir-regoli tas-suq, it-tħaddim tas-sistema u l-konnessjoni tan-netwerk. Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza sħiħa u tiżdied iċ-ċertezza tad-dritt, jenħtieġ li jiġu adottati l-prinċipji ewlenin tal-funzjonament tas-suq u tal-allokazzjoni tal-kapaċità fil-perjodi ta' żmien tas-suq tal-ibbilanċjar, tas-suq tal-istess ġurnata, tas-suq ta' ġurnata bil-quddiem u tas-suq forward, skont il-proċedura leġislattiva ordinarja u inkorporati f'att uniku leġislattiv tal-Unjoni.

(10)

L-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/2195 (5) jistabbilixxi proċess fejn l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni jistgħu jiddelegaw il-kompiti kollha tagħhom jew parti minnhom lil parti terza. Jenħtieġ li l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni li jiddelegaw jibqgħu responsabbli mill-iżgurar tal-konformità ma' dan ir-Regolament. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jassenjaw kompiti u obbligi lil parti terza. Jenħtieġ li tali assenjazzjoni tkun limitata għall-kompiti u l-obbligi mwettqa fuq livell nazzjonali, (bħas-saldus-saldu tal-iżbilanċ). Jenħtieġ li l-limitazzjonijiet għal tali assenjazzjoni ma jwasslux għal tibdil żejjed fl-arranġamenti nazzjonali eżistenti. Madankollu, jenħtieġ li l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni jibqgħu responsabbli għall-kompiti fdati lilhom taħt l-Artikolu 40 tad-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(11)

F'dak li jirrigwarda s-swieq tal-ibbilanċjar, biex il-formazzjoni tal-prezzijiet tkun effiċjenti u ma toħloqx distorsjonijiet fl-akkwist ta' kapaċità tal-ibbilanċjar u enerġija tal-ibbilanċjar jenħtieġ li l-kuntratti ta' kapaċità tal-ibbilanċjar ma tiffissax il-prezz tal-enerġija tal-ibbilanċjar. Dan huwa mingħajr preġudizzju għas-sistemi ta' dispaċċ bl-użu ta' proċess integrat għall-iskedar skont ir-Regolament (UE) 2017/2195.

(12)

L-Artikoli 18, 30 u 32 tar-Regolament (UE) 2017/2195 jistabbilixxu li l-metodu tal-ipprezzar kemm għal prodotti standard kif ukoll speċifiċi għall-enerġija tal-ibbilanċjarjoħloq inċentivi pożittivi għall-parteċipanti fis-suq biex iżommu l-bilanċ tagħhom jew jgħinu biex jerġa' jinkiseb il-bilanċ tas-sistema fiż-żona tagħhom tal-prezz tal-iżbilanċ, u b'hekk jitnaqqsu l-iżbilanċi fis-sistema u l-kostijiet għas-soċjetà. Jenħtieġ li tali approċċi ta' pprezzar jimmiraw għal użu ekonomikament effiċjenti tar-rispons tad-domanda u riżorsi oħra tal-ibbilanċjar soġġett għal-limiti ta' sigurtà operazzjonali.

(13)

Jenħtieġ li l-integrazzjoni tas-swieq tal-enerġija tal-ibbilanċjar tiffaċilita l-funzjonament effiċjenti tas-suq tal-istess ġurnata sabiex il-parteċipanti fis-suq jingħataw l-opportunità li jibbilanċjaw lilhom infushom mill-aktar qrib possibbli għall-ħin reali, kif permess mill-ħin tal-għeluq tan-negozju għall-enerġija tal-ibbilanċjar kif pprovdut fl-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2017/2195. Huma biss l-iżbilanċi li jkun għad fadal wara t-tmiem tas-suq tal-istess ġurnata li jenħtieġ li jiġu bbilanċjati mill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni fis-suq tal-ibbilanċjar. L-Artikolu 53 tar-Regolament (UE) 2017/2195 jipprovdi wkoll għall-armonizzazzjoni tal-perjodu tas-saldu tal-iżbilanċ għal 15-il minuta fl-Unjoni. Dik l- armonizzazzjoni hija maħsubha sabiex tappoġġja kummerċ tal-istess ġurnata u trawwem l-iżvilupp ta' għadd ta' prodotti kummerċjali bl-istess żmien ta' konsenja.

(14)

Sabiex l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni jkunu jistgħu jakkwistaw u jużaw kapaċità tal-ibbilanċjar b'mod effiċjenti, ekonomiku u bbażat fuq is-suq, jeħtieġ li titrawwem l-integrazzjoni tas-suq. F'dak ir-rigward, it-Titolu IV tar-Regolament (UE) 2017/2195 stabbilixxa, tliet metodoloġiji li permezz tagħhom l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni jistgħu jallokaw kapaċità transżonali għall-iskambju ta' kapaċità tal-ibbilanċjar u l-kondiviżjoni tar-riżervi, meta msejjes fuq il-bażi ta' analiżi tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji: il-proċess ta' koottimizzazzjoni, il-proċess ta' allokazzjoni abbażi tas-suq u l-allokazzjoni bbażata fuq analiżi tal-effiċjenza ekonomika. Il-proċess ta' allokazzjoni koottimizzata għandu jsir fuq bażi ta' ġurnata bil-quddiem. B'kuntrast, il-proċess ta' allokazzjoni bbażat fis-suq jista' jitwettaq meta l-kuntratt isir mhux aktar minn ġimgħa qabel l-għoti tal-kapaċità tal-ibbilanċjar u l-allokazzjoni tkun ibbażata fuq analiżi tal-effiċjenza ekonomika li tista' titwettaq meta l-kuntratt isir aktar minn ġimgħa qabel l-għoti tal-kapaċità tal-ibbilanċjar dment li l-volumi allokati jkunu limitati u li titwettaq valutazzjoni kull sena. Ladarba l-metodoloġija għall-proċess tal-allokazzjoni tal-kapaċità transżonali tiġi approvata mill-awtoritajiet regolatorji rilevanti, l-applikazzjoni bikrija ta' dik il-metodoloġija minn żewġ operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni jew aktar tkun tista' sseħħ biex jippermettu li tinkiseb l-esperjenza u biex tkun tista' tiġi applikata dik il-metodoloġija bla xkiel minn aktar operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni fil-futur. Madankollu jenħtieġ li l-applikazzjoni ta' tali metodoloġiji, tiġi armonizzata mill-operaturi kollha tas-sistema ta' trażmissjoni sabiex titrawwem l-integrazzjoni tas-suq.

(15)

It-Titlu V tar-Regolament (UE) 2017/2195 jistabbilixxi li l-objettiv ġenerali tas-saldu tal-iżbilanċ huwa li jiġi żgurat li l-partijiet responsabbli mill-ibbilanċjar iżommu l-bilanċ tagħhom jew jgħinu biex jiġi rrestawrat il-bilanċ tas-sistema b'mod effiċjenti u li jiġu prrovduti inċentivi għall-parteċipanti fis-suq jiġu inċentivati biex iżommu l-bilanċ fis-sistema jew jgħinu biex ireġġgħu il-bilanċ fis-sistema. Biex is-swieq tal-ibbilanċjar u s-sistema ġenerali tal-enerġija jkunu adatti għall-integrazzjoni ta' ishma dejjem akbar ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli varjabbli, il-prezzijiet tal-iżbilanċ għandhom jirriflettu l-valur tal-enerġija f'ħin reali. Il-parteċipanti kollha fis-suq jenħtieġ li jkunu responsabbli finanzjarjament mill-iżbilanċi li jikkawżaw fis-sistema, li jirrappreżentaw id-differenza bejn il-volum allokat u l-pożizzjoni finali fis-suq. Rigward l-aggregaturi tar-rispons fin-naħa tad-domanda, il-volum allokat jikkonsisti mill-enerġija fiżikament attivat mit-tagħbija tal-konsumaturi parteċipanti, abbażi ta' kejl definit u metodoloġija bażi.

(16)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 (7) jistabbilixxi linji gwida ddettaljati dwar l-allokazzjoni tal-kapaċitajiet transżonali u l-ġestjoni tal-konġestjoni fis-swieq ta' ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata, inklużi r-rekwiżiti għall-istabbiliment ta' metodoloġiji komuni għad-determinazzjoni tal-volumi ta' kapaċità simultanji disponibbli bejn iż-żoni tal-offerti u l-kriterji biex tiġi vvalutata l-effiċjenza u proċess ta' reviżjoni biex jiġu ddefiniti ż-żoni tal-offerti. L-Artikoli 32 u 34 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 jistabbilixxu regoli dwar ir-reviżjoni tal-konfigurazzjoni taż-żoni tal-offerti, l-Artikoli 41 u 54 jistabbilixxu limiti armonizzati dwar il-prezzijiet massimi u minimi ta' kklirjar għal perjodi ta' żmien ta' ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata, l-Artikolu 59 tiegħu, jistabbilixxi regoli dwar l-ħin tal-għeluq tan-negozju tal-kapaċità transżonali tal-istess ġurnata, filwaqt li l-Artikolu 74 tiegħu, jistabbilixxi regoli dwar il-metodoloġiji ta' kondiviżjoni tal-ispejjeż tad-dispaċċ mill-ġdid u t-tpartit.

(17)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/1719 (8) jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità transżonali fis-swieq forward, dwar l-istabbiliment ta' metodoloġija komuni biex tiġi determinata l-kapaċità transżonali fit-tul, dwar l-istabbiliment ta' pjattaforma unika ta' allokazzjoni fil-livell Ewropew li toffri drittijiet tat-trażmissjoni għal żmien twil, u dwar il-possibbiltà li jingħataw lura d-drittijiet tat-trażmissjoni għal żmien twil għal allokazzjoni sussegwenti bil-quddiem tal-kapaċità jew li jiġu ttrasferiti d-drittijiet tat-trażmissjoni għal żmien twil bejn il-parteċipanti fis-suq. L-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2016/1719 jistabbilixxi regoli dwar prodotti għall-iħħeġġjar bil-quddiem.

(18)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/631 (9) jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-konnessjoni mal-grilja tal-faċilitajiet ta' ġenerazzjoni tal-enerġija, jiġifieri għas-sistema interkonnessa, partikolarment fir-rigward tal-moduli tal-ġenerazzjoni sinkronika tal-enerġija, il-moduli ta' parks tal-enerġija u l-moduli ta' parks tal-enerġija fil-baħar. Dawk ir-rekwiżiti, jgħinu biex jiġu mħarsa l-kundizzjonijiet ġusti ta' kompetizzjoni fis-suq intern tal-elettriku, biex tiġi żgurata s-sigurtà tas-sistema u l-integrazzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli, u biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ fl-elettriku madwar l-Unjoni kollha. L-Artikoli 66 u 67 tar-Regolament (UE) 2016/631 jistabbilixxu regoli għat-teknoloġiji emerġenti fil-ġenerazzjoni tal-elettriku.

(19)

Żoni tal-offerti li jirriflettu d-distribuzzjoni tal-provvista u d-domanda huma s-sinsla tan-negozju tal-elettriku bbażat fuq is-suq u huma prerekwiżit għall-ilħuq tal-potenzjal sħiħ tal-metodi ta' allokazzjoni tal-kapaċità inkluż l-approċċ bbażat fuq il-fluss. Iż-żoni tal-offerti għaldaqstant għandhom jiġu definiti b'mod li jiġu żgurati likwidità fis-suq, ġestjoni effiċjenti tal-konġestjoni u effiċjenza globali tas-suq. Meta tiġi mnedija reviżjoni ta' konfigurazzjoni eżistenti taż-żona tal-offerti minn awtorità regolatorja waħda jew operatur tas-sistema ta' trażmissjoni bl-approvazzjoni tal-awtorità regolatorja kompetenti tagħha, għaż-żoni tal-offerti fiż-żona ta' kontroll tal-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni, jekk il-konfigurazzjoni taż-żona tal-offerti għandha impatt negliġibbli fuq iż-żoni ta' kontroll tal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni tal-viċinat, inklużi l-interkonnetturi, u r-reviżjoni tal-konfigurazzjoni taż-żona tal-offerti hija meħtieġa biex tittejjeb l-effiċjenza, jiġu mmassimizzati l-opportunitajiet ta' kummerċ transkonfinali jew biex tinżamm is-sigurtà operazzjonali, l-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni biss fiż-żona ta' kontroll rilevanti u l-awtorità regolatorja kompetenti jenħtieġ li jkunu, rispettivament, l-uniku operatur tas-sistema ta' trażmissjoni u l-unika awtorità regolatorja li jipparteċipaw fir-reviżjoni. L-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni rilevanti u l-awtorità regolatorja kompetenti, jenħtieġ li jagħtu preavviż lill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni tal-viċinat tar-reviżjoni u jenħtieġ li r-riżultati tar-reviżjoni jiġu ppubblikati. Jenħtieġ li tkun possibbli li tkun imnedija reviżjoni taż-żona tal-offerti reġjonali wara r-rapport tekniku dwar il-konġestjoni f'konformità mal-Artikolu 14 ta' dan ir-Regolament jew skont il-proċeduri eżistenti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2015/1222.

(20)

Meta ċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali jwettqu kalkolu tal-kapaċità, jenħtieġ li dawn jimmassimizzaw il-kapaċità filwaqt li jikkunsidraw azzjonijiet korrettivi bla spejjeż u li jirrispettaw il-limiti ta' sigurtà operazzjonali tal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni fir-Reġjun bil-Kapaċità Kalkolata. Fejn il-kalkolu ma jirriżultax f'kapaċità daqs jew ogħla mill-kapaċitajiet minimi stabbiliti f'dan ir-Regolament, iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali jenħtieġ li jqisu l-azzjonijiet disponibbli kollha ta' rimedju bl-ispejjeż biex iżidu l-kapaċità sal-kapaċitajiet minimi, inkluż il-potenzjal tad-dispaċċ mill-ġdid fir-reġjuni bil-kapaċità kalkolata u bejniethom, filwaqt li jirrispettaw il-limiti ta' sigurtà operazzjonali tal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni tar-Reġjun bil-Kapaċità Kalkolata. L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni jenħtieġ li jirrapportaw b'mod preċiż u trasparenti dwar l-aspetti kollha tal-kalkolu tal-kapaċità skont dan ir-Regolament u jenħtieġ li jiżguraw li l-informazzjoni kollha mibgħuta liċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali tkun preċiża u adatta għall-iskop.

(21)

Meta jwettqu kalkolu tal-kapaċità, iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali jenħtieġ li jikkalkulaw il-kapaċitajiet transżonali bl-użu ta' data minn operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni li jirrispettaw il-limiti tas-sigurtà operazzjonali taż-żoni ta' kontroll rispettivi tal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni. L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni jenħtieġ li jiddeċiedu li jiddevjaw mill-kalkolu tal-kapaċità kordinata meta l-implimentazzjoni tiegħu tirriżulta fi ksur tal-limiti ta' sigurtà operazzjonali ta' elementi tan-netwerk fiż-żona ta' kontroll tagħhom. Dawk id-devjazzjonijiet jenħtieġ li jiġu ssorveljati b'attenzjoni u rrapportati b'mod trasparenti biex jiġi evitat l-abbuż u jiġi żgurat li l-volum tal-kapaċità ta' interkonnessjoni li jkun disponibbli għall-parteċipanti tas-suq ma jkunx limitat biex isolvi l-konġestjoni f'żona tal-offerti. Fejn ikun hemm pjan ta' azzjoni fis-seħħ, il-pjan ta' azzjoni jenħtieġ li jqis id-devjazzjonijiet u jindirizza l-kawża tagħhom.

(22)

Jenħtieġ li l-prinċipji ewlenin tas-suq jistabbilixxu li l-prezzijiet tal-elettriku jridu jiġu stabbiliti skont id-domanda u l-provvista. Jenħtieġ li dawk il-prezzijiet jindikaw meta jkun meħtieġ l-elettriku, u b'hekk jipprovdu inċentivi tas-suq għall-investimenti f'sorsi flessibbli bħall-ġenerazzjoni flessibbli, l-interkonnessjoni, ir-rispons tad-domanda jew il-ħżin tal-enerġija.

(23)

Filwaqt li d-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-elettriku, b'enerġija minn sorsi rinnovabbli li qed isiru parti importanti tas-suq, hija wieħed mill-għanijiet tal-Unjoni tal-Enerġija, huwa fundamentali li s-suq jelimina l-ostakoli eżistenti għall-kummerċ transkonfinali u jħeġġeġ l-investimenti fl-infrastruttura ta' appoġġ, pereżempju b'żieda fil-ġenerazzjoni flessibbli, l-interkonnessjoni, ir-rispons tad-domanda u l-ħżin tal-enerġija. Biex tiġi appoġġata din il-bidla lejn ġenerazzjoni varjabbli u distribwita u biex ikun żgurat li l-prinċipji tas-suq tal-enerġija jkunu l-bażi tas-swieq futuri tal-elettriku tal-Unjoni, huwa essenzjali li jkun hemm attenzjoni ġdida fuq is-swieq integrati tul perjodu qasir u fuq il-prezzijiet li jirriflettu n-nuqqas ta' domanda.

(24)

Is-swieq għal perjodu qasir jtejbu l-likwidità u l-kompetizzjoni għax permezz tagħhom aktar riżorsi se jkunu jistgħu jipparteċipaw bis-sħiħ fis-suq, speċjalment dawk ir-riżorsi li huma aktar flessibbli. L-ipprezzar tal-iskarsezza effettiv se jħeġġeġ lill-parteċipanti fis-suq biex jirreaġixxu għas-sinjali tas-suq u biex ikunu disponibbli meta s-suq ikollu l-aktar bżonnhom u se jiżgura li dawn jistgħu jirkupraw il-kostijiet tagħhom fis-suq bl-ingrossa. Għalhekk huwa fundamentali li jitneħħew il-limiti amministrattivi u impliċiti fuq il-prezzijiet sabiex ikun permess l-ipprezzar tal-iskarsezza. Hekk kif ikunu integrati għalkollox fl-istruttura tas-suq, is-swieq integrati tul perjodu qasir u l-ipprezzar tal-iskarsezza jikkontribwixxu għat-tneħħija ta' miżuri oħra li jikkawżaw distorsjoni fis-suq, bħall-mekkaniżmi ta' kapaċità sabiex jiżguraw is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija. Fl-istess ħin, l-ipprezzar tal-iskarsezza mingħajr limiti fuq il-prezzijiet tas-suq bl-ingrossa jenħtieġ li ma jipperikolax il-possibbiltà li jiġu offruti prezzijiet affidabbli u stabbli għall-klijenti aħħarija, b'mod partikolari għall-unitajiet domestiċi, l-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) u l-klijenti industrijali.

(25)

Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 107, 108 u 109 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), id-derogi għall-prinċipji fundamentali tas-suq, bħall-ibbilanċjar tar-responsabbiltà, id-dispaċċ ibbażat fuq is-suq jew id-dispaċċ mill-ġdid, inaqqsu s-sinjali ta' flessibbiltà u jaġixxu bħala ostakolu għall-iżvilupp tas-soluzzjonijiet bħall-ħżin tal-enerġija, ir-rispons tad-domanda jew l-aggregazzjoni. Għalkemm id-derogi għadhom meħtieġa biex jiġi evitat il-piż amministrattiv mhux meħtieġ għal ċerti parteċipanti fis-suq, b'mod partikolari għall-klijenti domestiċi u għall-SMEs, id-derogi ġenerali li jkopru t-teknoloġiji kollha mhumiex konsistenti mal-għan li jinkiseb proċessi ta' dekarbonizzazzjoni effiċjenti u bbażati fuq is-suq, u għalhekk, jenħtieġ li tinbidel b'aktar miżuri mmirati.

(26)

Prekondizzjoni għal kompetizzjoni effettiva fis-suq intern tal-elettriku hija li jkun hemm tariffi mhux diskriminatorji, trasparenti u adegwati għall-użu tan-netwerks, fosthom il-linji ta' interkonnessjoni fis-sistema ta' trażmissjoni.

(27)

It-tnaqqis mhux ikkoordinat tal-kapaċitajiet tal-interkonnetturi jillimitaw dejjem aktar l-iskambju tal-elettriku bejn l-Istati Membri u sar ostakolu serju għall-iżvilupp ta' suq intern tal-elettriku li jiffunzjona. Il-livell massimu tal-kapaċità ta' interkonnetturi u l-elementi kritiċi tan-netwerk jenħtieġ għaldaqstant li jsiru disponibbli, konformi mal-istandards ta' sigurtà tat-tħaddim tan-netwerk bla periklu inkluż ir-rispett għall-istandard tas-sigurtà għall-kontinġenzi (N-1). Madankollu, hemm xi limitazzjonijiet għall-issettjar tal-livell ta' kapaċità fi grilja mxibbka. Jeħtieġ li jiġi stabbilit livelli minimi ċari ta' kapaċità disponibbli għal kummerċ transżonali sabiex jitnaqqsu l-effetti ta' flussi ta' enerġija paralleli (loop flows) u l-konġestjonijiet interni fuq il-kummerċ transżonali u li jingħata valur tal-kapaċità prevedibbli għall-parteċipanti fis-suq. Fejn jintuża l-approċċ ibbażat fuq il-flussi, dik il-kapaċità minima jenħtieġ li tiddetermina s-sehem minimu tal-kapaċità ta' interkonnettur jew ta' element kruċjali tan-netwerk li jirrispetta l-limiti ta' sigurtà operazzjonali li jintuża bħala input għal kalkolu tal-kapaċità koordinata taħt ir-Regolament (UE) 2015/1222, filwaqt li jitqiesu l-kontinġenzi. Is-sehem li jifdal tal-kapaċità jista' jintuża għall-marġnijiet ta' affidabbiltà, għall-flussi ta' enerġija paralleli (loop flows) u għall-flussi interni. Barra minn hekk, fil-każ ta' problemi prevedibbli għall-iżgurar tas-sigurtà tal-grilja, jenħtieġ li jiġu aċċettati derogi għal fażi tranżizzjonali limitata. jenħtieġ li tali derogi jkunu akkumpanjati minn metodoloġija u proġetti li jipprevedu soluzzjoni fit-tul.

(28)

Il-kapaċità ta' trażmissjoni li għaliha għandu japplika l-kriterju tal-kapaċità minima ta' 70 % fl-approċċ tal-kapaċità ta' trażmissjoni netta (NTC) hija t-trażmissjoni massima ta' enerġija attiva li tirrispetta l-limiti ta' sigurtà operazzjonali u tqis il-kontinġenzi. Il-kalkolu kkoordinat ta' din il-kapaċità jqis ukoll li l-flussi tal-elettriku huma mqassma b'mod irregolari bejn komponenti individwali u mhux biss iżidu l-kapaċitajiet tal-linji ta' interkonnessjoni. Din il-kapaċità ma tqisx il-flussi tal-linja, il-flussi interni jew il-marġni tal-affidabbiltà li huma kkunsidrati fl-ambitu tat-30 % li jifdal.

(29)

Huwa importanti li tkun evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta minn standards differenti ta' sigurtà, ta' tħaddim u ta' ppjanar użati minn operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni fl-Istati Membri. Barra dan, jenħtieġ li jkun hemm trasparenza għall-parteċipanti fis-suq dwar il-kapaċitajiet disponibbli għat-trasferiment u l-istandards ta' sigurtà, ta' ppjanar u operazzjonali, li jaffettwaw il-kapaċitajiet disponibbli għat-trasferiment.

(30)

Sabiex l-investimenti neċessarji jitmexxew b'mod effiċjenti, jeħtieġ li l-prezzijiet jipprovdu wkoll sinjali fejn l-elettriku huwa l-aktar bżonjuż. F'sistema tal-elettriku żonali, is-sinjali ta' lokalizzazzjoni korretti jeħtieġu determinazzjoni koerenti, oġġettiva u affidabbli taż-żoni tal-offerti bi proċess trasparenti. Sabiex jiġi żgurat it-tħaddim u l-ippjanar effiċjenti tan-netwerk tal-elettriku tal-Unjoni u biex jingħataw sinjali tal-prezzijiet effettivi għall-ġenerazzjoni tal-kapaċità, ir-rispons tad-domanda u l-infrastruttura tat-trażmissjoni ġodda, jenħtieġ li ż-żoni tal-offerta jirriflettu l-konġestjoni strutturali. B'mod partikolari, jenħtieġ li ma titnaqqasx il-kapaċità transżonali biex tissolva l-konġestjoni interna.

(31)

Biex jiġu riflessi l-prinċipji diverġenti tal-ottimizzazzjoni taż-żoni tal-offerti mingħajr ma jiġu pperikolati s-swieq likwidi u l-investimenti fil-grilja, jenħtieġ li jiġu previsti żewġ għażliet biex tiġi indirizzata l-konġestjoni. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħżlu bejn rikonfigurazzjoni taż-żona tal-offerti tagħhom jew miżuri bħall-infurzar tal-grilja u l-ottimizzazzjoni tal-grilja. Il-punt tat-tluq għal deċiżjoni bħal din jenħtieġ li jkun l-identifikazzjoni ta' konġestjonijiet strutturali fit-tul mill-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni jew mill-operaturi ta' Stat Membru, minn rapport min-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku (l-“ENTSO tal-Elettriku”) dwar il-konġestjoni jew minn reviżjoni taż-żona tal-offerti. Jenħtieġ li l-Istati Membri l-ewwel jippruvaw isibu soluzzjoni komuni dwar l-aħjar mod li bih jistgħu jiġu indirizzati l-konġestjoni. Waqt li jagħmlu dan l-Istati Membri jistgħu jadottaw pjanijiet ta' azzjoni multinazzjonali jew nazzjonali biex jindirizzaw il-konġestjoni. Għall-Istati Membri li jadottaw pjan ta' azzjoni biex jindirizzaw il-konġestjoni, jenħtieġ li japplika perjodu ta' introduzzjoni gradwali fil-forma ta' trajettorja lineari għall-ftuħ ta' interkonnetturi. Fi tmiem l-implimentazzjoni ta' tali pjan ta' azzjoni, l-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom possibbiltà li jiddeċiedu jekk jagħżlux rikonfigurazzjoni taż-żona(i) tal-offerti jew li jindirizzaw il-konġestjoni li fadal permezz ta' azzjonijiet ta' rimedju li għalihom iġarrbu l-ispejjeż. Fil-każ tal-aħħar iż-żona tal-offerti tagħhom m'għandhiex tiġi rikonfigurata kontra r-rieda ta' dak l-Istat Membru, sakemm il-kapaċità minima tintlaħaq. Il-livell minimu ta' kapaċità li jenħtieġ li jintużaw fil-kalkolu tal-kapaċità koordinata jenħtieġ li jkun perċentwal tal-kapaċità ta' element kruċjali tan-netwerk, kif definit wara l-proċess tal-għażla skont ir-Regolament (UE) 2015/1222, wara, jew fil-każ ta' approċċ ibbażat fuq il-fluss, filwaqt li jiġu rrispettati l-limiti ta' sigurtà operazzjonali f'sitwazzjoni ta' kontinġenza. Jenħtieġ li tkun possibbli deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-konfigurazzjoni taż-żona tal-offerti bħala miżura tal-aħħar rikors u jenħtieġ li tiġi emendata biss il-konfigurazzjoni taż-żona tal-offerti f'dawk l-Istati Membri li jkunu għażlu qsim taż-żona tal-offerti jew li ma jkunux laħqu l-livell minimu tal-kapaċità.

(32)

Id-dekarbonizzazzjoni effiċjenti tas-sistema tal-elettriku bl-integrazzjoni tas-suq teħtieġ li jitneħħew l-ostakoli b'mod sistematiku għall-kummerċ transkonfinali biex tingħeleb il-frammentazzjoni tas-suq u biex b'hekk il-klijenti tal-enerġija tal-Unjoni jkunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-vantaġġi tas-swieq tal-elettriku integrati u mill-kompetizzjoni.

(33)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi prinċipji bażiċi dwar l-istruttura tat-tariffi u l-allokazzjoni tal-kapaċità, waqt li jipprovdi għal adozzjoni ta' linji gwida li jelenkaw prinċipji u metodoloġiji oħrajn rilevanti, sabiex ikunu jistgħu jsiru adattamenti mgħaġġla għal ċirkostanzi li jkunu nbidlu.

(34)

Il-ġestjoni tal-problemi ta' konġestjoni jenħtieġ li tipprovdi sinjali ekonomiċi korretti lill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni u lill-parteċipanti fis-suq u li tkun ibbażata fuq mekkaniżmi tas-suq.

(35)

F'suq miftuħ u kompetittiv, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni jenħtieġ li jkunu kompensati għall-kostijiet imġarrba b'konsegwenza li jippermettu l-użu tan-netwerks tagħhom għall-flussi transkonfinali minn operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni li minnhom joriġinaw flussi transkonfinali u mis-sistemi fejn jaslu dawk il-flussi.

(36)

Il-pagamenti u l-irċevuti li jirriżultaw mill-kumpens bejn l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni jenħtieġ li jitqiesu meta t-tariffi tan-netwerks nazzjonali jkunu qegħdin jiġu stabbiliti.

(37)

L-ammont reali pagabbli għal aċċess transkonfinali jista' jvarja konsiderevolment, skont l-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni involut u minħabba differenzi fl-istruttura tas-sistemi tat-tariffi applikati fl-Istati Membri. Ċertu element ta' armonizzazzjoni huwa għalhekk meħtieġ biex ikunu evitati d-distorsjonijiet fil-kummerċ.

(38)

Jenħtieġ li jkun hemm regoli dwar l-użu tad-dħul minn proċeduri għall-ġestjoni tal-konġestjoni, kemm-il darba n-natura speċifika tal-interkonnettur ikkonċernat tiġġustifika eżenzjoni minn dawn ir-regoli.

(39)

Biex jinħolqu kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni bejn il-parteċipanti kollha fis-suq, jenħtieġ li t-tariffi tan-netwerk jiġu applikati b'mod li la jiddiskrimina b'mod pożittiv u lanqas b'mod negattiv fil-produzzjoni konnessa fil-livell ta' distribuzzjoni u tal-produzzjoni konnessa fil-livell ta' trażmissjoni, kemm. Jenħtieġ li t-tariffi tan-netwerkma jiddiskriminawx kontra l-ħżin tal-enerġija u ma joħolqux diżinċentivi għall-parteċipazzjoni fir-rispons tad-domanda jew jirrappreżentaw ostakolu għat-titjib fl-effiċjenza tal-enerġija.

(40)

Sabiex jiżdiedu t-trasparenza u l-komparabbiltà fl-issettjar tat-tariffi meta l-armonizzazzjoni vinkolanti ma titqiesx adegwata, jenħtieġ li rapport tal-aħjar prattiċi dwar il-metodoloġiji tariffarji jinħareġ mill-Aġenzija Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (“ACER”) stabbilita bir-Regolament (UE) 2019/942 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

(41)

Biex jiġi żgurat l-aqwa investiment fil-grilja trans-Ewropea u tiġi indirizzata aħjar l-isfida meta ma jistgħux jinbdew proġetti interkonnessi b'mod vijabbli minħabba nuqqas ta' prijoritizzazzjoni fuq livell nazzjonali, jenħtieġ li l-użu tar-redditu mill-konġestjoni jiġi kkunsidrat mill-ġdid u jikkontribwixxi biex jiżgura d-disponibbiltà u jżomm jew iżid il-kapaċitajiet interkonnessi.

(42)

Sabiex tkun żgurata l-aħjar ġestjoni tan-netwerk tat-trażmissjoni tal-elettriku u jkun permess kummerċ u forniment ta' elettriku transkonfinali fl-Unjonijenħtieġ li jiġi stabbilit ENTSO għall-Elettriku. Il-kompiti tal-ENTSO għall-Elettriku jenħtieġ li jitwettqu skont ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni li jibqgħu applikabbli għad-deċiżjonijiet tal-ENTSO għall-Elettriku. Jenħtieġ li l-kompiti tal-ENTSO għall-Elettriku jkunu definiti sew u l-metodu ta' ħidma tiegħu jenħtieġ li jiżgura l-effiċjenza u t-trasparenza. Il-kodiċijiet tan-netwerk imħejjija mill-ENTSO għall-Elettriku mhumiex intenzjonati li jissostitwixxu l-kodiċijiet tan-netwerk nazzjonali meħtieġa għal kwistjonijiet mhux transkonfinali. Ladarba jista' jsir aktar progress effettiv permezz ta' azzjoni fuq livell reġjonali, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni jenħtieġ li jistabbilixxu strutturi reġjonali fi ħdan l-istruttura kumplessiva ta' kooperazzjoni, filwaqt li jiżguraw li r-riżultati fil-livell reġjonali jkunu kompatibbli ma' kodiċijiet tan-netwerk u ma' pjanijiet ta' żvilupp tan-netwerks fuq perjodu ta' għaxar snin mhux vinkolanti għall-Unjoni. Jenħtieġ li l-Istati Membri jippromwovu l-kooperazzjoni u jissorveljaw l-effettività tan-netwerk f'livell reġjonali. Il-kooperazzjoni f'livell reġjonali jenħtieġ li tkun kompatibbli mal-progress li jwassal għal suq intern kompetittiv u effiċjenti tal-elettriku.

(43)

Jenħtieġ li l-ENTSO tal-Elettriku jwettaq valutazzjoni soda fuq terminu medju u twil dwar l-adegwatezza tar-riżorsi fil-livell tal-Unjoni biex tipprovdi bażi oġġettiva għall-valutazzjoni tat-tħassib dwar l-adegwatezza. It-tħassib dwar l-adegwatezza tar-riżorsi jikkonċerna l-fatt li l-indirizzi tal-mekkaniżmi ta' kapaċità jenħtieġ li jkunu bbażati fuq il-valutazzjoni tal-adegwatezza tar-riżorsi Ewropej. Dik il-valutazzjoni tista' tiġi kkomplementata minn valutazzjonijiet nazzjonali.

(44)

Il-metodoloġija għall-valutazzjoni fuq terminu twil dwar l-adegwatezza tar-riżorsi (minn għaxar snin sa sena bil-quddiem) stabbilita f'dan ir-regolament għandha skop differenti mill-valutazzjonijiet ta' adegwatezza staġjonali (ta' sitt xhur bil-quddiem) kif stabbiliti fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2019/941 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11). Il-valutazzjonijiet fuq terminu medju u twil jintużaw l-aktar biex jidentifikaw it-tħassib dwar l-adegwatezza u biex jivvalutaw il-ħtieġa ta' mekkaniżmi ta' kapaċità billi l-valutazzjonijiet ta' adegwatezza staġjonali jintużaw biex jinfurmaw dwar ir-riskji fuq terminu qasir li jistgħu jinqalgħu fi żmien is-sitt xhur ta' wara, li x'aktarx jirriżultaw f'deterjorament sinifikanti tas-sitwazzjoni tal-provvista tal-elettriku. Barra minn hekk, iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali jwettqu wkoll valutazzjonijiet dwar l-adegwatezza tar-riżorsi kif definiti fil- dwar it-tħaddim tas-sistema ta' trażmissjoni tal-elettriku. Dawk huma valutazzjonijiet dwar l-adegwatezza fuq terminu qasir ħafna (minn ġimgħa sa ġurnata bil-quddiem) użati fil-kuntest tat-tħaddim tas-sistema.

(45)

Qabel l-introduzzjoni tal-mekkaniżmu ta' kapaċità, jenħtieġ li l-Istati Membri jivvalutaw id-distorsjonijiet regolatorji li jikkontribwixxu għat-tħassib relatat dwar l-adegwatezza tar-riżorsi. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu obbligati jadottaw miżuri biex jeliminaw id-distorsjonijiet identifikati, u jenħtieġ li jadottaw perjodu ta' żmien għall-implimentazzjoni tagħhom. Il-mekkaniżmi ta' kapaċità jenħtieġ li jiġu introdotti biss biex jindirizzaw il-problemi tal-adegwatezza li ma jistgħux jiġu solvuti billi jitneħħew dawn id-distorsjonijiet.

(46)

L-Istati Membri li beħsiebhom jintroduċu mekkaniżmi ta' kapaċità jenħtieġ li jiksbu l-miri dwar l-adegwatezza tar-riżorsi abbażi ta' proċess trasparenti u verifikabbli. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-libertà li jistabbilixxu l-livell mixtieq tagħhom ta' sigurtà tal-provvista tal-enerġija.

(47)

Skont l-Artikolu 108 tat-TFUE, il-Kummissjoni għandha l-kompetenza esklużiva li tivvaluta l-kompatibbiltà tal-miżuri tal-għajnuna mill-Istat li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu mas-suq intern. Dik il-valutazzjoni jsir abbażi tal-Artikolu 107(3) tat-TFUE u skont id-dispożizzjonijiet rilevanti u l-linji gwida li l-Kummissjoni tista' tadotta għal dak il-għan. Dan ir-Regolament huwa bla preġudizzju għall-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni mogħtija mit-TFUE.

(48)

Il-mekkaniżmi ta' kapaċità li huma diġà fis-seħħ jenħtieġ li jiġu riveduti fid-dawl ta' dan ir-Regolament.

(49)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti wkoll regoli dettaljati li jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni transkonfinali effettiva fil-mekkaniżmi ta' kapaċità f'dan ir-Regolament. L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni jenħtieġ li jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tal-produtturi interessati fil-mekkaniżmi ta' kapaċità fi Stati Membri oħra. Għalhekk jenħtieġ li jikkalkulaw il-kapaċitajiet sa fejn hu possibbli l-parteċipazzjoni transkonfinali, jippermettu l-parteċipazzjoni u jikkontrollaw id-disponibbiltajiet. Jenħtieġ li l-awtoritajiet Regolatorji jinfurzaw ir-regoli transkonfinali fl-Istati Membri.

(50)

Jenħtieġ li l-mekkaniżmi ta' kapaċità ma jirriżultawx f'kumpens żejjed filwaqt li fl-istess ħin jenħtieġ li jiżguraw is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija. F'dak ir-rigward, jenħtieġ li mekkaniżmi ta' kapaċità minbarra riżervi strateġiċi jiġu stabbiliti b'tali mod li jiżguraw li l-prezz imħallas għad-disponibbiltà awtomatikament ixaqleb lejn iż-żero meta l-livell ta' kapaċità li jkun profittabbli fuq is-suq tal-enerġija fl-assenza ta' mekkaniżmu ta' kapaċità huwa mistenni li jkun adegwat biex jissodisfa l-livell ta' kapaċità mitlub.

(51)

Biex tappoġġa lill-Istati Membri u r-reġjuni li qed jiffaċċjaw sfidi soċjali, industrijali u ekonomiċi minħabba t-tranżizzjoni tal-enerġija, il-Kummissjoni stabbiliet inizjattiva għar-reġjuni b'intensità qawwija ta' faħam u ta' karbonju. F'dak il-kuntest, jenħtieġ li l-Kummissjoni tassisti lill-Istati Membri inkluż, appoġġ finanzjarju mmirat biex jippermetti “tranżizzjoni ġusta” f'dawk ir-reġjuni, fejn disponibbli.

(52)

Fid-dawl tad-differenzi bejn is-sistemi nazzjonali tal-enerġija u il-limitazzjonijiet tekniċi tan-netwerks tal-elettriku eżistenti, l-aħjar approċċ biex jinkiseb il-progress fl-integrazzjoni tas-suq se jkun ta' spiss fuq livell reġjonali. Għaldaqstant jenħtieġ li tissaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali bejn l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni. Sabiex tiġi żgurata l-kooperazzjoni effiċjenti, jenħtieġ li qafas regolatorju ġdid jipprovdi governanza reġjonali u sorveljanza regolatorja aktar b'saħħithom, anke billi tissaħħaħ is-setgħa tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-ACER fir-rigward ta' kwistjonijiet transkonfinali. Huwa possibbli li f'sitwazzjonijiet ta' kriżi jkun hemmbżonn ukoll ta' kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-Istati Membri biex tiżdied is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u jiġu limitati d-distorsjonijiet fis-suq.

(53)

Il-koordinazzjoni bejn l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni fil-livell reġjonali ġiet ifformalizzata bil-parteċipazzjoni obbligatorja tal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni fil-koordinaturi reġjonali tas-sigurtà. Il-koordinazzjoni reġjonali tal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni jenħtieġ li tiġi żviluppata aktar b'qafas istituzzjonali msaħħaħ permezz tal-istabbiliment taċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali. L-istabbiliment ta' ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali jenħtieġ li jqis l-inizjattivi ta' koordinazzjoni reġjonali eżistenti jew ippjanati u jappoġġa t-tħaddim dejjem aktar integrat tas-sistemi tal-elettriku fl-Unjoni, filwaqt li jiżgura l-prestazzjoni effiċjenti u sigura tagħhom. Għal dik ir-raġuni, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-koordinazzjoni tal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni permezz taċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali sseħħ madwar l-Unjoni. Meta l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni ta' reġjun partikolari ma jkunux għadhom koordinati minn ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali eżistenti jew ippjanat, l-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni ta' dak ir-reġjun jenħtieġ li jistabbilixxi jew jinnomina ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali.

(54)

Jenħtieġ li l-ambitu ġeografiku taċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali jippermetti li jkollhom kontribut effettiv għall-koordinazzjoni tal-ħidma tal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni fuq reġjuni u jenħtieġ li jwassal għal titjib fis-sigurtà tas-sistema u fl-effiċjenza tas-suq. Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali jenħtieġ li jkollhom il-flessibbiltà li jwettqu l-kompiti tagħhom fir-reġjun bl-aħjar mod adattat għan-natura tal-kompiti individwali fdati lilhom.

(55)

Jenħtieġ li ċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali jwettqu kompiti li r-reġjonalizzazzjoni tagħhom iġġib valur miżjud meta titqabbel mal-kompiti li jitwettqu fil-livell nazzjonali. Il-kompiti taċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali jenħtieġ li jkopru l-kompiti mwettqa mill-koordinaturi reġjonali tas-sigurtà skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1485 (12) kif ukoll it-tħaddim addizzjonali tas-sistema, it-tħaddim tas-suq u l-kompiti tat-tħejjija għar-riskji. Il-kompiti mwettqa miċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali jenħtieġ li majinkludux it-tħaddim f'ħin reali tas-sistema tal-elettriku.

(56)

Fit-twettiq tal-kompiti tagħhom, iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali jenħtieġ li jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-objettivi għall-2030 u l-2050 stabbiliti fil-qafas ta' politika dwar il-klima u l-enerġija.

(57)

Jenħtieġ li ċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali jaġixxu primarjament fl-interess tat-tħaddim tas-sistema u tas-suq tar-reġjun. Għaldaqstant, jenħtieġ li ċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali jiġu fdati bis-setgħat meħtieġa biex jikkoordinaw l-azzjonijiet li jridu jittieħdu mill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni tar-reġjun tat-tħaddim tas-sistema għal ċerti funzjonijiet u bi rwol konsultattiv akbar għall-funzjonijiet li jifdal.

(58)

Ir-riżorsi umani, tekniċi, fiżiċi u finanzjarji taċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali jenħtieġ li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa strettament neċessarju għat-twettiq tal-kompiti tagħhom.

(59)

Jenħtieġ li l-ENTSO għall-Elettriku jiżgura li l-attivitajiet taċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali jiġu kkoordinati fil-konfini tar-reġjuni.

(60)

Sabiex jiżdiedu l-effiċjenzi fin-netwerk ta' distribuzzjoni tal-elettriku fl-Unjoni u biex tiġi żgurata l-kooperazzjoni mill-qrib n mal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni u l-ENTSO għall-Elettriku, jenħtieġ li fl-Unjoni tiġi stabbilita entità Ewropea tal-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni (l-entità tal-UE għad-DSO). Jenħtieġ li l-kompiti tal-entità tal-UE għad-DSO jiġu ddefiniti sew u l-metodu ta' ħidma tagħha jiżgura l-effiċjenza, it-trasparenza u r-rappreżentattività fost l-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-entità tal-UE għad-DSO tikkoopera mill-qrib mal-ENTSO għall-Elettriku dwar it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-kodiċijiet tan-netwerk, fejn ikun applikabbli, u li taħdem biex tipprovdi gwida dwar l-integrazzjoni, fost l-oħrajn tal-ġenerazzjoni distribwita u tal-ħżin tal-enerġija fin-netwerk ta' distribuzzjoni jew f'oqsma oħra relatati mal-ġestjoni tan-netwerk ta' distribuzzjoni. Jenħtieġ li l-entità tal-UE għad-DSO tqis ukoll debitament l-ispeċifiċitajiet inerenti għas-sistemi ta' distribuzzjoni konnessi downstream ma' sistemi tal-elettriku fuq gżejjer li mhumiex konnessi ma' sistemi oħra tal-elettriku permezz ta' interkonnetturi.

(61)

Jeħtieġ li jkun hemm aktar kooperazzjoni u koordinazzjoni fost l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni biex jinħolqu kodiċijiet tan-netwerk biex jingħata u jiġi ġestit l-aċċess effettiv u trasparenti għan-netwerks ta' trażmissjoni transkonfinali, u biex jiżguraw l-ippjanar ikkoordinat u suffiċjentement bil-quddiem li jkollu viżjoni u l-evoluzzjoni teknika soda tas-sistema ta' trażmissjoni fl-Unjoni, inkluż il-ħolqien ta' kapaċitajiet ta' interkonnessjoni, b'attenzjoni xierqa għall-ambjent. Dawk il-kodiċijiet tan-netwerk jenħtieġ li jkunu konformi ma' linji gwida ta' qafas li ma jkunux vinkolanti u li jkunu żviluppati mill-ACER. Jenħtieġ li l-Aġenzija jkollha rwol fir-reviżjoni tal-abbozz tal-kodiċijiet tan-netwerk, abbażi ta' kwistjonijiet ta' fatt, inkluż il-konformità tagħhom mal-linji gwida ta' qafas, u jenħtieġ li tkun tista' tirrakkomandahom għall-adozzjoni mill-Kummissjoni. L-ACER jenħtieġ ukoll li tivvaluta l-emendi proposti għall-kodiċijiet tan-netwerk u li tkun tista' tirrakkomandahom għall-adozzjoni mill-Kummissjoni. L-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni jenħtieġ li jħaddmu n-netwerks tagħhom skont dawk il-kodiċijiet tan-netwerk.

(62)

L-esperjenza fl-iżvilupp u fl-adozzjoni tal-kodiċijiet tan-netwerk uriet li huwa utli li tiġi ssimplifikata l-proċedura ta' żvilupp billi tikkjarifika li l-ACER għandha d-dritt tirrevedi l-abbozz tal-kodiċijiet tan-netwerk tal-elettriku qabel ma tippreżentahom lill-Kummissjoni.

(63)

Biex ikun żgurat il-funzjonament xieraq tas-suq intern tal-elettriku, jenħtieġ li jsiru dispożizzjonijiet għal proċeduri li jippermettu l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet u ta' linji gwida dwar, fost affarijiet oħra, it-tariffi u l-allokazzjoni tal-kapaċità mill-Kummissjoni filwaqt li jkun assigurat l-involviment tal-awtoritajiet regolatorji f'dak il-proċess, fejn xieraq permezz tal-assoċjazzjoni tagħhom fil-livell tal-Unjoni. L-awtoritajiet regolatorji, flimkien ma' awtoritajiet rilevanti oħrajn fl-Istati Membri, għandhom rwol importanti biex jikkontribwixxu għall-funzjonament xieraq tas-suq intern għall-elettriku.

(64)

Il-parteċipanti kollha fis-suq għandhom interess fil-ħidma mistennija mill-ENTSO għall-Elettriku. Għalhekk huwa essenzjali li jkun hemm proċess ta' konsultazzjoni effettiv u li l-istrutturi eżistenti li jitwaqqfu biex jiffaċilitaw u jissimplifikaw il-proċess ta' konsultazzjoni, pereżempju permezz ta' awtoritajiet regolaturi jew l-ACER, jenħtieġ li jkollhom rwol importanti.

(65)

Sabiex tkun żgurata aktar trasparenza dwar in-netwerk kollu ta' trażmissjoni tal-elettriku fl-Unjoni, jenħtieġ li l-ENTSO għall-Elettriku jfassal, jippubblika u jaġġorna b'mod regolari pjan ta' żvilupp tan-netwerk fuq perjodu ta' għaxar snin, mhux vinkolanti, għall-Unjoni kollha. In-netwerks tat-trażmissjoni tal-elettriku vijabbli u l-interkonnessjonijiet reġjonali neċessarji li huma rilevanti minn perspettiva kummerċjali jew minn perspettiva ta' sigurtà tal-provvista tal-enerġija, jenħtieġ li jkunu inklużi fil-pjan ta' żvilupp tan-netwerk.

(66)

Jenħtieġ li jiġu xprunati l-investimenti fl-infrastruttura ewlenija ġdida filwaqt li jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tas-suq intern għall-elettriku. Sabiex jissaħħaħ l-effett pożittiv tal-interkonnetturi tal-kurrent dirett eżentati fuq il-kompetizzjoni u s-sigurtà tal-provvista, jenħtieġ li jiġi ttestjat l-interess fis-suq matul il-fażi ta' ppjanar tal-proġett u li jiġu adottati regoli tal-ġestjoni tal-konġestjoni. Meta l-interkonnetturi tal-kurrent dirett ikunu qegħdin fit-territorju ta' aktar minn Stat Membru wieħed, jenħtieġ li l-ACER, bħala l-aħħar mezz, tipproċessa t-talba għall-eżenzjoni sabiex jitqiesu aħjar l-implikazzjonijiet transkonfinali tagħha u jiffaċilitaw l-ipproċessar amministrattiv tagħha. Barra minn hekk, minħabba l-profil eċċezzjonali ta' riskju fil-bini ta' dawn il-proġetti kbar ta' infrastruttura eżentati, jenħtieġ li l-impriżi b'interessi ta' provvista u ta' produzzjoni jkunu jistgħu jgawdu minn deroga temporanja mir-regoli kollha ta' separazzjoni għall-proġetti kkonċernati. L-eżenzjonijiet mogħtija skont ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) ikomplu japplikaw sad-data tal-iskadenza ppjanata kif deċiż fi-deċiżjoni ta' eżenzjoni mogħtija. Infrastruttura tal-elettriku fil-baħar b'funzjonalità doppja (l-hekk imsejħa “assi ibridi fil-baħar”) li tikkombina t-trasport tal-enerġija mir-riħ fil-baħar lejn ix-xatt u l-interkonnetturi, jenħtieġ li tkun eliġibbli wkoll għal eżenzjoni bħal pereżempju fil-qafas tar-regoli applikabbli għal interkonnetturi ġodda tal-kurrent dirett. Fejn ikun meħtieġ, il-qafas regolatorju jenħtieġ li jikkunsidra b'mod xieraq is-sitwazzjoni speċifika ta' dawn l-assi sabiex jingħelbu l-ostakli għat-twettiq ta' assi ibridi offshore kosteffiċjenti mil-lat soċjetali.

(67)

Sabiex tissaħħaħ il-fiduċja fis-suq, jeħtieġ li l-parteċipanti tiegħu jkunu ċerti li min jabbuża jista' jkun soġġett għal penali effettivi, proporzjonati u dissważivi. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jingħataw is-setgħa li jinvestigaw b'mod effettiv l-allegazzjonijiet ta' abbuż tas-suq. Għaldaqstant jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom aċċess għad-data li tipprovdi informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet operattivi meħuda mill-fornituri. Fis-suq tal-elettriku bosta deċiżjonijiet rilevanti jittieħdu mill-produtturi, li jenħtieġ li jżommu l-informazzjoni li għandha x'taqsam ma' dawk id-deċiżjonijiet, disponibbli u faċilment aċċessibbli għall-awtoritajiet kompetenti għal perjodu fiss. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jimmonitorjaw b'mod regolari jekk l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni jkunux konformi mar-regoli. Il-produtturi ż-żgħar mingħajr il-kapaċità reali ta' distorsjoni tas-suq jenħtieġ li jkunu eżentati minn dak l-obbligu.

(68)

L-Istati Membri u l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jipprovdu l-informazzjoni rilevanti lill-Kummissjoni. Tali informazzjoni jenħtieġ li tiġi trattata b'mod kunfidenzjali mill-Kummissjoni. Fejn meħtieġ, jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha l-opportunità titlob l-informazzjoni rilevanti direttament lill-impriża kkonċernata, sakemm l-awtoritajiet kompetenti jkunu mgħarrfa.

(69)

L-Istati Membri jenħtieġ li jistipulaw ir-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Jenħtieġ li dawk il-penali jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(70)

Jenħtieġ li l-Istati Membri, il-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija u pajjiżi terzi oħra li japplikaw dan ir-Regolament jew li jagħmlu parti miż-żonasinkronika tal-Ewropa Kontinentali jikkooperaw mill-qrib dwar il-kwistjonijiet kollha li jikkonċernaw l-iżvilupp ta' reġjun ta' kummerċ fl-elettriku integrat u li ma jieħdu l-ebda miżura li tipperikola l-integrazzjoni ulterjuri tas-swieq tal-elettriku jew tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-Istati Membri u tal-Partijiet Kontraenti.

(71)

Fil-mument tal-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 714/2009, kienu jeżistu biss ftit regoli għas-suq intern tal-elettriku fil-livell tal-Unjoni. Minn dakinhar, is-suq intern tal-Unjoni sar aktar kumpless minħabba l-bidla fundamentali li għaddejjin minnha s-swieq b'mod partikolari b'rabta mal-użu ta' produzzjoni ta' elettriku rinnovabbli varjabbli. Il-kodiċijiet u l-linji gwida tan-netwerk għalhekk saru estensivi u komprensivi u jinkludu kemm kwistjonijiet tekniċi kif ukoll ġenerali..

(72)

Sabiex jiġi żgurat il-livell minimu ta' armonizzazzjoni meħtieġ għall-funzjonament effettiv tas-suq, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-TFUE fir-rigward ta' elementi mhux essenzjali ta' ċerti oqsma speċifiċi li huma fundamentali għall-integrazzjoni tas-suq. Jenħtieġ li dawk l-atti jinkludu l-adozzjoni u l-emenda ta' ċerti kodiċijiet tan-netwerk u linji gwida fejn dawn jissupplimentaw dan ir-Regolament, il-kooperazzjoni reġjonali tal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni u l-awtoritajiet regolatorji, il-kontibuzzjonijiet finanzjarji bejn l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni, kif ukoll l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' eżenzjoni għall-interkonnetturi l-ġodda. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta' tħejjija, ukoll fil-livell ta' esperti,u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 (14) dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati.

(73)

Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 291 tat-TFUE. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15). Il-proċedura ta' eżami għandha tintuża għall-adozzjoni ta' dawk l-atti ta' implimentazzjoni.

(74)

Minħabba li l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-provvediment ta' qafas armonizzat għall-iskambji transkonfinali tal-elettriku, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista', minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni proposta, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(75)

Għal raġunijiet ta' koerenza u ċertezza legali, jenħtieġ li l-ebda dispożizzjoni f'dan ir-Regolament ma tipprevjeni l-applikazzjoni tad-derogi li joħorġu minn [l-Artikolu 66] tad-Direttiva (UE) 2019/944,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

SUĠĠETT, KAMP TA' APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament jimmira li:

(a)

jistabbilixxi l-bażi biex jinkisbu b'mod effiċjenti l-għanijiet tal-Unjoni tal-Enerġija u b'mod partikolari il-qafas għall-klima u l-enerġija għall-2030 bis-sinjali tas-suq li jwasslu għal aktar effiċjenza, sehem akbar tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli, sigurtà tal-provvista, flessibbiltà, sostenibbiltà, dekarbonizzazzjoni u innovazzjoni;

(b)

l-prinċipji fundamentali stabbiliti għal swieq tal-elettriku integrati li jiffunzjonaw tajjeb, li jippermettu lill-fornituri tar-riżorsi u lill-klijenti tal-elettriku kollha jkollhom aċċess mhux diskriminatorju għas-suq, jagħtu s-setgħa lill-konsumaturi, jiżguraw il-kompetittività fis-suq globali kif ukoll jitolbu rispons tad-domanda u l-effiċjenza fl-enerġija, u jiffaċilitaw l-aggregazzjoni tad-domanda u tal-provvista distribwiti, u jippermettu l-integrazzjoni settorjali u tas-suq u r-remunerazzjoni bbażata fuq is-suq tal-elettriku ġġenerat minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli;

(c)

regoli ġusti stabbiliti għall-iskambji transkonfinali tal-elettriku, u b'hekk titkabbar il-kompetizzjoni fis-suq intern tal-elettriku, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi partikolari tas-swieq nazzjonali u reġjonali. Jinkludi t-twaqqif ta' mekkaniżmu ta' kumpens għal flussi transkonfinali tal-elettriku u l-istabbiliment ta' prinċipji armonizzati dwar l-imposti tat-trażmissjoni transkonfinali u l-allokazzjoni ta' kapaċitajiet disponibbli ta' interkonnessjonijiet bejn sistemi ta' trażmissjoni nazzjonali;

(d)

jiffaċilita l-iżvilupp ta' suq bl-ingrossa li jiffunzjona tajjeb u li jkun trasparenti, li jikkontribwixxi għal livell għoli ta' sigurtà tal-provvista tal-elettriku, u jipprovdi għal mekkaniżmi biex jarmonizza r-regoli għall-iskambji transkonfinali tal-elettriku.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“Interkonnettur” tfisser linja ta 'trasmissjoni li taqsam jew tifrex ma fruntiera bejn l-Istati Membri u li tgħaqqad is-sistemi ta' trasmissjoni nazzjonali tal-Istati Membri;

(2)

“awtoritàt regolatorja” tfisser l-awtorità regolatorja nominati minn kull Stat Membru skont l-Artikolu 57(1) tad-Direttiva (EU) 2019/944;

(3)

“fluss transkonfinali” tfisser fluss fiżiku tal-elettriku fuq netwerk ta' trażmissjoni ta' Stat Membru li jirriżulta mill-impatt tal-attività ta' produtturi, klijenti, jew it-tnejn li huma, barra dak l-Istat Membru fuq in-netwerk ta' trażmissjoni tiegħu;

(4)

“konġestjoni” tfisser sitwazzjoni fejn it-talbiet kollha mill-parteċipanti fis-suq biex isir kummerċ bejn żoni tan-netwerk ma jistgħux jintlaqgħu peress li kieku jaffettwaw b'mod sinifikanti l-flussi fiżiċi tal-elementi tan-netwerk li ma jistgħux jakkomodaw dawk il-flussi;

(5)

“interkonnettur ġdid” tfisser xi interkonnettur li ma jkunx tlesta sal-4 ta' Awwissu 2003;

(6)

“konġestjoni strutturali” tfisser konġestjoni fis-sistema ta' trażmissjoni li hi kapaċi li tiġi definita mingħajr ambigwità, hija prevedibbli, ġeografikament stabbli tul iż-żmien u li terġa' sseħħ ta' spiss skont kundizzjonijiet normali tas-sistema tal-elettriku;

(7)

“operatur tas-suq” tfisser entità li tipprovdi servizz li permezz tagħha l-offerti għall-bejgħ tal-elettriku jitqabblu mal-offerti għax-xiri tal-elettriku;

(8)

“operatur nominat tas-suq tal-elettriku” jew “NEMO” tfisser operatur tas-suq innominat mill-awtorità kompetenti biex iwettaq kompiti relatati mal-akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem jew mal-akkoppjament singolu tal-istess ġurnata;

(9)

“valur tat-tagħbija mitlufa” tfisser stima f'euro/MWh tal-prezz massimu tal-elettriku li l-klijenti huma lesti li jħallsu biex jevitaw l-indisponibbiltà tal-elettriku;

(10)

“ibbilanċjar” tfisser l-azzjonijiet u l-proċessi kollha, fil-perjodi kollha ta' żmien, li permezz tagħhom l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni jiżguraw, b'mod kontinwu, iż-żamma tal-frekwenza tas-sistema f'firxa tal-istabbiltà predefinita u l-konformità mal-ammont ta' riservi meħtieġa fir-rigward tal-kwalità meħtieġa;

(11)

“enerġija ta' bbilanċjar” tfisser l-enerġija użata mill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni biex iwettqu l-ibbilanċjar;

(12)

“fornitur tas-servizz ta' bbilanċjar” tfisser parteċipant fis-suq li jipprovdi l-enerġija ta' bbilanċjar jew il-kapaċità ta' bbilanċjar, jew it-tnejn li huma, lill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni;

(13)

“kapaċità ta' bbilanċjar” tfisser il-volum ta' kapaċità li fornitur tas-servizz ta' bbilanċjar ikun qabel li jżomm u li fir-rigward tiegħu l-fornitur tas-servizz ta' bbilanċjar ikun qabel li jippreżenta offerti għall-volum korrispondenti ta' enerġija ta' bbilanċjar lill-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni għat-tul kollu tal-kuntratt;

(14)

“parti inkarigata mill-ibbilanċjar” tfisser parteċipant fis-suq jew ir-rappreżentant magħżul tiegħu responsabbli mill-iżbilanċi tiegħu fis-suq tal-elettriku;

(15)

“perjodu ta' saldu tal-iżbilanċ” tfisser l-unità temporali li għaliha huwa kkalkulat l-iżbilanċ tal-partijiet inkarigati mill-ibbilanċjar;

(16)

“prezz tal-iżbilanċ” tfisser il-prezz, kemm jekk pożittiv, żero kif ukoll negattiv, f'kull perjodu ta' saldu tal-iżbilanċ għal żbilanċ f'kull direzzjoni;

(17)

“żona tal-prezz tal-iżbilanċ” tfisser iż-żona li fiha jiġi kkalkulat il-prezz tal-iżbilanċ;

(18)

“proċess ta' prekwalifikazzjoni” tfisser il-proċess biex tiġi vverifikata l-konformità ta' fornitur tal-kapaċità ta' bbilanċjar mar-rekwiżiti stabbiliti mill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni;

(19)

“kapaċità ta' riserva” tfisser l-ammont ta' riservi ta' konteniment tal-frekwenza, ta' riservi tar-restawr tal-frekwenza jew ta' riservi ta' sostituzzjoni li jeħtieġ li jkunu disponibbli għall-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni;

(20)

“dispaċċ ta' prijorità” tfisser, firrigward tal-mudell tal-awtodispaċċ, id-dispaċċ tal-impjanti tal-elettriku abbażi ta' kriterji differenti mill-ordni ekonomika tal-offerti u b'rigward, il-mudell ta' dispaċċ ċentralizzat, id-dispaċċ ta'impjanti tal-enerġija abbażi ta'kriterji li huma differenti mill-ordni ekonomika tal-offerti u mil-limitazzjonijiet tan-netwerk li jagħtu prijorità lid-dispaċċ ta' ġenerazzjoni partikolari tat-teknoloġiji;

(21)

“reġjun bil-kapaċità kalkolata” tfisser iż-żona ġeografika li fiha jiġi applikat il-kalkolu tal-kapaċità koordinata;

(22)

“mekkaniżmu ta' kapaċità” tfisser miżura temporanja biex tiġi żgurata l-kisba tal-livell ta' adegwatezza tar-riżorsi meħtieġ mir-riżorsi għar-remunerazzjoni għad-disponibbiltà tagħhom u li teskludi l-miżuri relatati mas-servizzi anċillari jew mal-ġestjoni tal-konġestjoni;

(23)

“koġenerazzjoni ta' effiċjenza għolja” tfisser koġenerazzjoni li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Anness II tad-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16);

(24)

“proġett ta' dimostazzjoni” tfisser proġett li juri teknoloġija bħala l-ewwel waħda tat-tip tagħha fl-Unjoni u li tirrappreżenta innovazzjoni sinifikanti li tmur lil hinn mit-teknoloġija l-aktar avvanzata;

(25)

“parteċipant fis-suq” tfisser persuna fiżika jew ġuridika, li qed tiġġenera, tixtri jew tbigħ l-elettriku, is-servizzi ta' rispons tad-domanda jew il-ħżin, inkluż it-tqegħid ta' ordnijiet għall-kummerċ, f'wieħed jew f'iktar mis-swieq tal-elettriku inkluż is-swieq tal-enerġija tal-ibbilanċjar;

(26)

“dispaċċ mill-ġdid” tfisser miżura, inkluż tnaqqis, li hija attivata minn operatur wieħed jew aktar tas-sistema ta' trasmissjoni jew operaturi tas-sistemi ta' distribuzzjoni permezz tal-modifika tal-mudell ta' ġenerazzjoni, tat-tagħbija, jew it-tnejn sabiex jinbidlu l-flussi fiżiċi fis-sistema tal-elettriku u tittaffa konġestjoni fiżika jew li tiġi żgurata s-sigurtà;

(27)

“skambju kompensatorju” tfisser skambju transżonali mibdi minn operaturi tas-sistema bejn żewġ żoni tal-offerti biex tittaffa l-konġestjoni fiżika;

(28)

“faċilità tal-ġenerazzjoni tal-enerġija” tfisser faċilità li taqleb l-enerġija primarja f'enerġija elettrika u li tikkonsisti f'modulu ta' ġenerazzjoni tal-enerġija wieħed jew aktar konness ma' netwerk;

(29)

“mudell ta' dispaċċ ċentralizzat” tfisser mudell ta' skedar u ta' dispaċċ fejn l-iskedi tal-ġenerazzjoni u l-iskedi tal-konsum, kif ukoll id-dispaċċ ta' faċilitajiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija u faċilitajiet tad-domanda, b'referenza għall-faċilitajiet li jistgħu jkunu suġġetti għal dispaċċ, jiġu determinati minn operatur tas-sistema ta' trażmissjoni fi ħdan il-proċess integrat għall-iskedar;

(30)

“mudell tal-awtodispaċċ” tfisser mudell ta' skedar u ta' dispaċċ fejn l-iskedi tal-ġenerazzjoni u l-iskedi tal-konsum, kif ukoll id-dispaċċ ta' faċilitajiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija u faċilitajiet tad-domanda huma determinati mill-aġenti tal-iskedar ta' dawk il-faċilitajiet;

(31)

“prodott standard tal-ibbilanċjar” tfisser prodott tal-ibbilanċjar armonizzat definit mill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjonikollha għall-iskambju ta' servizzi ta' bbilanċjar;

(32)

“prodott speċifiku tal-ibbilanċjar” tfisser prodott ta' bbilanċjar differenti minn prodott standard ta' bbilanċjar;

(33)

“operatur delegat” tfisser entità li lilha ġew delegati kompiti jew obbligi speċifiċi fdati lil operatur tas-sistema ta' trażmissjoni jew operatur nominat tas-suq tal-elettriku skont dan ir-Regolament jew kwalunkwe atti legali tal-Unjoni oħrajn minn dak l-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni jew NEMO jew li ġew assenjati lilha minn Stat Membru jew awtorità regolatorja;

(34)

“klijent” tfisser klijent kif iddefinit fil-punt (1) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(35)

“klijent finali” tfisser klijent finali kif definit fil-punt (3) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(36)

“klijent bl-ingrossa” tfisser klijent bl-ingrossa kif definit fil-punt (2) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(37)

“klijent domestiku” tfisser klijent domestiku kif definit fil-punt (4) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(38)

“intrapriża żgħira” tfisser intrapriża żgħira kif definita fil-punt (7) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(39)

“klijent attiv” tfisser klijent attiv kif definit fil-punt (8) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(40)

“swieq tal-elettriku” tfisser swieq tal-elettriku kif definiti fil-punt (9) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(41)

“provvista” tfisser provvista kif definita fil-punt (12) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(42)

“kuntratt ta' provvista ta' elettriku” tfisser kuntratt ta' provvista ta' elettriku kif definit fil-punt (13) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(43)

“aggregazzjoni” tfisser aggregazzjoni kif definita fil-punt (18) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(44)

“rispons għad-domanda” tfisser rispons għad-domanda kif definit fil-punt (20) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(45)

“sistema ta' kejl intelliġenti” tfisser sistema ta' kejl intelliġenti kif definit fil-punt (23) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(46)

“interoperabilità” tfisser interoperabilità kif definita fil-punt (24) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(47)

“distribuzzjoni” tfisser distribuzzjoni kif definita fil-punt (28) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(48)

“operatur tas-sistema ta' distribuzzjoni” tfisser operatur tas-sistema ta' distribuzzjoni kif definit fil-punt (29) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(49)

“effiċjenza tal-enerġija” tfisser effiċjenza tal-enerġija kif definita fil-punt (30) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(50)

“enerġija minn sorsi rinnovabbli” jew “enerġija rinnovabbli” tfisser enerġija minn sorsi rinnovabbli kif definita fil-punt (31) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(51)

“ġenerazzjoni distribwita” tfisser ġenerazzjoni distribwita kif definita fil-punt (32) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(52)

“trażmissjoni” tfisser trażmissjoni kif definita fil-punt (34) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(53)

“operatur tas-sistema ta' trasmissjoni” tfisser operatur tas-sistema ta' trasmissjoni kif definit fil-punt (35) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(54)

“utent tas-sistema” tfisser utent tas-sistema kif definit fil-punt (36) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(55)

“ġenerazzjoni” tfisser ġenerazzjoni kif definita fil-punt (37) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(56)

“produttur” tfisser produttur kif definit fil-punt (38) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(57)

“sistema interkonnessa” tfisser sistema interkonnessa kif definita fil-punt (40) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(58)

“sistema iżolata żgħira” tfisser sistema iżolata żgħira kif definita fil-punt (42) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(59)

“sistema żgħira konnessa” tfisser sistema żgħira konnessa kif definita fil-punt (43) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(60)

“servizz anċillari” tfisser servizz anċillari kif definit fil-punt (48) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(61)

“servizz anċillari mhux tal-frekwenza” tfisser servizz anċillari mhux tal-frekwenza kif definit fil-punt (49) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(62)

“ħażna tal-enerġija” tfisser ħażna tal-enerġija kif definita fil-punt (59) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(63)

“ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali” tfisser ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali kif stabbilit fl-Artikolu 35 ta' dan ir-Regolament;

(64)

“suq tal-enerġija bl-ingrossa” tfisser suq tal-enerġija bl-ingrossa kif definit fil-punt (6) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17);

(65)

“żona tal-offerti” tfisser l-akbar żona ġeografika li fiha l-parteċipanti tas-suq ikunu jistgħu jinnegozjaw l-enerġija mingħajr allokazzjoni tal-kapaċità;

(66)

“allokazzjoni tal-kapaċità” tfisser l-attribuzzjoni tal-kapaċità transżonali;

(67)

“żona ta' kontroll” tfisser parti koerenti tas-sistema interkonnessa, imħaddma minn operatur waħdieni tas-sistema u għandha tinkludi t-tagħbijiet fiżiċi konnessi u/jew l-unitajiet tal-ġenerazzjoni, jekk ikun hemm;

(68)

“kapaċità kkoordinata tat-trażmissjoni netta” tfisser metodu għall-kalkolu tal-kapaċità bbażat fuq il-prinċipju tal-valutazzjoni u tad-definizzjoni ex-ante ta' skambju kummerċjali ta' enerġija massima bejn żoni tal-offerti kontigwi;

(69)

“element ta' netwerk kritiku” tfisser element ta' netwerk fi ħdan żona tal-offerti jew bejn iż-żoni tal-offerti meħuda f'kunsiderazzjoni fil-proċess ta' kalkolu tal-kapaċità, b'tali mod li jiġi llimitat l-ammont ta' enerġija li tista' tiġi skambjata;

(70)

“kapaċità transżonali” tfisser kemm is-sistemi interkonnessi jkunu jistgħu jakkomodaw it-trasferiment tal-enerġija bejn iż-żoni tal-offerti;

(71)

“unità ta' ġenerazzjoni” tfisser ġeneratur waħdieni tal-elettriku li jappartjeni għal unità ta' produzzjoni.

KAPITOLU II

REGOLI ĠENERALI GĦAS-SUQ TAL-ELETTRIKU

Artikolu 3

Prinċipji dwar it-tħaddim tas-swieq tal-elettriku

L-Istati Membri, l-awtoritajiet regolatorji, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni, l-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni, l-operaturi tas-suq u l-operaturi delegati għandhom jiżguraw li s-swieq tal-elettriku jitħaddmu skont il-prinċipji li ġejjin:

(a)

il-prezzijiet għandhom jiġu stabbiliti abbażi tad-domanda u l-provvista;

(b)

ir-regoli tas-suq għandhom jinkoraġġixxu l-formazzjoni libera tal-prezzijiet u għandhom jevitaw l-azzjonijiet li jipprevjenu l-formazzjoni tal-prezzijiet abbażi tad-domanda u l-provvista;

(c)

ir-regoli tas-suq għandhom jiffaċilitaw l-iżvilupp ta' ġenerazzjoni aktar flessibbli, ġenerazzjoni sostenibbli b'livell baxx ta' karbonju, u domanda aktar flessibbli;

(d)

il-klijenti għandhom jitħallew jibbenefikaw minn opportunitajiet tas-suq u minn kompetizzjoni akbar tas-swieq tal-konsumaturi u għandhom jingħataw is-setgħa jaġixxu bħala parteċipanti fis-suq tal-enerġija u fit-tranżizzjoni tal-enerġija;

(e)

il-parteċipazzjoni fis-suq tal-klijenti finali u tal-impriżiżgħar għandha ssir bl-aggregazzjoni tal-ġenerazzjoni minn faċilitajiet multipli ta' ġenerazzjoni ta'enerġija jew ta' tagħbija minn faċilitajiet ta' rispons għal domanda multipla biex jipprovdu offerti konġunti fuq is-suq tal-elettriku u jitħaddmu b'mod konġunt fis-sistema tal-elettriku, f'konformità mal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni;

(f)

ir-regoli tas-suq għandhom jippermettu d-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tal-elettriku u b'hekk tal-ekonomija, inkluż billi jippermettu l-integrazzjoni tal-elettriku minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli u jipprovdu inċentivi għall-effiċjenza fl-enerġija;

(g)

ir-regoli tas-suq għandhom iwasslu għal inċentivi xierqa ta' investiment għall-ġenerazzjoni, b'mod partikolari għal investimenti fit-tul f' sistema tal-elettriku dekarbonizzata u sostenibbli, il-ħżin tal-enerġija, l-effiċjenza fl-enerġija, ir-rispons tad-domanda, u għandhom jiffaċilitaw tal-kompetizzjoni ġusta biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-suq u b'hekk jiżguraw is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija;

(h)

għandhom jitneħħew b'mod progressiv l-ostakoli għall-flussi transkonfinali tal-elettriku bejn iż-żoni tal-offerti jew l-Istati Membri u għat-tranżazzjonijiet transkonfinali fis-swieq tal-elettriku u tas-servizzi relatati;

(i)

ir-regoli tas-suq għandhom jipprovdu għall-kooperazzjoni reġjonali meta tkun effettiva;

(j)

il-ġenerazzjoni, il-ħzin u r-rispons għad-domanda siguri u sostenibbli tal-enerġija għandhom jipparteċipaw fis-suq fuq bażi ugwali, skont ir-rekwiżiti previsti fil-liġi tal-Unjoni;

(k)

il-produtturi kollha għandhom ikunu direttament jew indirettament responsabbli għall-bejgħ tal-elettriku li jiġġeneraw;

(l)

ir-regoli tas-suq għandhom jippermettu l-iżvilupp ta' proġetti ta' dimostrazzjoni f'sorsi, teknoloġiji jew sistemi ta' enerġija sostenibbli, siguri u b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju li għandhom jitwettqu u jintużaw għall-benefiċċju tas-soċjetà;

(m)

ir-regoli tas-suq għandhom jippermettu d-dispaċċ effiċjenti tal-assi ta' ġenerazzjoni, ta' ħżin tal-enerġija u tar-rispons tad-domanda;

(n)

ir-regoli tas-suq għandhom jippermettu d-dħul u l-ħruġ tal-impriżi tal-ġenerazzjoni tal-elettriku, tal-ħżin tal-enerġija u tal-provvista tal-elettriku skont il-valutazzjoni ta'dawk l-impriżi tal-vijabbiltà finanzjarja u ekonomika tal-operazzjonijiet tagħhom;

(o)

sabiex il-parteċipanti fis-suq ikunu protetti kontra r-riskji ta' volatilità tal-prezzijiet abbażi tas-suq u tittaffa l-inċertezza fuq ir-redditu futur fuq l-investiment, l-prodotti ta' ħħeġġjar fit-tul għandhom ikunu kummerċjabbli fil-Borża b'mod trasparenti u l-kuntratti ta' provvista fit-tul tal-elettriku għandhom ikunu negozjabbli barra l-Borża, soġġetti għall-konformità mal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni

(p)

Ir-regoli tas-suq għandhom jiffaċilitaw il-kummerċ tal-prodotti madwar l-Unjoni, u l-bidliet regolatorji għandhom iqisu l-effetti fuq is-swieq u l-prodotti forward u futuri kemm fuq terminu qasir kif ukoll fuq terminu twil;

(q)

il-parteċipanti fis-suq għandhom id-dritt li jiksbu aċċess għan-netwerks ta' trażmissjoni u distribuzzjoni b'kundizzjonijiet oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji.

Artikolu 4

Tranżizzjoni ġusta

Il-Kummissjoni għandha tappoġġa lill-Istati Membri li jimplimentaw strateġija nazzjonali għat-tnaqqis progressiv tal-kapaċità eżistenti ta' ġenerazzjoni tal-enerġija permezz tal-faħam u ta' karburanti fossili solidi oħra u l-estrazzjoni bil-mezzi kollha disponibbli li tippermetti “tranżizzjoni ġusta” fir-reġjuni affettwati minn tibdil strutturali. Il-Kummissjoni għandha tassisti lill-Istati Membri fl-indirizzar tal-impatti soċjali u ekonomiċi tat-tranżizzjoni għall-enerġija nadifa.

Il-Kummissjoni għandha taħdem fi sħubija mill-qrib mal-partijiet interessatitar-reġjuni b'intensità qawwija ta' faħam u ta' karbonju, għandha tiffaċilita l-aċċess għall-fondi u l-programmi disponibbli u l-użu tagħhom, u tħeġġeġ skambju ta' prattiki tajba, inklużi diskussjonijiet dwar il-pjanijiet direzzjonali industrijali u l-ħtiġijiet ta' taħriġ mill-ġdid.

Artikolu 5

Responsabbiltà għall-ibbilanċjar

1.   Il-parteċipanti kollha fis-suq għandhom ikunu responsabbli mill-iżbilanċi li jikkawżaw fis-sistema (“responsabbiltà għall-ibbilanċjar”). Għal dak l-għan, il-parteċipanti fis-suq għandhom ikunu partijiet inkarigati mill-ibbilanċjar jew jiddelegaw b'mod kuntrattwali r-responsabbiltà tagħhom lil parti inkarigata mill-ibbilanċjar tal-għażla tagħhom. Kull parti responsabbli għall-ibbilanċjar għandha tkun finanzjarjament responsabbli mill-iżbilanċi tagħha u għandha tagħmel ħilitha biex tkun ibbilanċjata jew għandha tgħin lis-sistema tal-elettriku tkun ibbilanċjata.

2.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu derogi mir-responsabbiltà għall-ibbilanċjar biss għal:

(a)

proġetti ta' dimostrazzjoni għal teknoloġiji innovattivi, soġġetti għall-approvazzjoni mill-awtorità regolatorja, sakemm dawk id-derogijkunu limitati għaż-żmien u għall-miżura li hija meħtieġa biex jinkisbu l-għanijiet ta' dimostrazzjoni;

(b)

faċilitajiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija li jużaw sorsi ta' enerġija rinnovabbli b'kapaċità tal-elettriku installata ta' inqas minn 500 kW;

(c)

installazzjonijiet li jibbenefikaw minn appoġġ ipprovdut mill-Kummissjoni taħt ir-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat skont l-Artikoli 107, 108 u 109 tat-TFUE u kkummissjonati qabel l-4 ta' Lulju 2019.

L-Istati Membri jistgħu, mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE, jipprovdu inċentivi lill-parteċipanti fis-suq li huma eżentati kompletament jew parzjalment mill-ibbilanċjar tar-responsabbiltà, biex jaċċettaw l-ibbilanċjar sħiħ tar-responsabbiltà.

3.   Meta Stat Membru jipprovdi deroga skont l-Artikolu 5(2), huwa għandu jiżgura li r-responsabbiltàt finanzjarja tal-iżbilanċi tintrefa' minn parteċipant ieħor fis-suq.

4.   Għall-faċilitajiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija kkummissjonati mill-1 ta' Jannar 2026, il-punt (b) tal-paragrafu 2 għandu japplika biss għall-ġenerazzjoni ta' installazzjonijiet li jużaw sorsi ta' enerġija rinnovabbli b'kapaċità tal-elettriku installata ta' inqas minn 200 kW.

Artikolu 6

Suq tal-ibbilanċjar

1.   Is-swieq tal-ibbilanċjar, inkluż il-proċessi ta' prekwalifikazzjoni, għandhom jiġu organizzati b'tali mod li:

(a)

jiżguraw in-nondiskriminazzjoni effettiva bejn il-parteċipanti fis-suq filwaqt li jqisu l-ħtiġijiet tekniċi differenti tas-sistema tal-elettriku u l-kapaċitajiet tekniċi differenti tas-sorsi ta' ġenerazzjoni, il-ħżin tal-enerġija u r-rispons tad-domanda;

(b)

jiżguraw li s-servizzi huma definiti b'mod trasparenti u teknoloġikament newtrali u huma akkwistati b'mod trasparenti ibbażat fuq is-suq;

(c)

jiżguraw aċċess nondiskriminatorju għall-parteċipanti kollha tas-suq, individwalment jew b'mod aggregati, inkluż għall-ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli varjabbli, ir-rispons tad-domanda u l-ħżin tal-enerġija;

(d)

jirrispettaw il-ħtieġa li jakkomodaw l-ishma dejjem akbar ta' ġenerazzjoni varjabbli kif ukoll iż-żieda fir-rispons tad-domanda u l-introduzzjoni ta' teknoloġiji ġodda.

2.   Il-prezz tal-enerġija tal-ibbilanċjar ma għandux jiġi determinat minn qabel f'kuntratti għall-kapaċità tal-ibbilanċjar. Il-proċessi ta' akkwist għandhom ikunu trasparenti skont l-Artikolu 40(4) tad-Direttiva (UE) 2019/944, filwaqt li tipproteġi l-kunfidenzjalità ta' informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

3.   Skont l-Artikolu 17, is-swieq tal-ibbilanċjar għandhom jiżguraw is-sigurtà operazzjonali filwaqt li jippermettu l-użu massimu u l-allokazzjoni effiċjenti tal-kapaċità transżonali fil-limiti kollha ta' żmien.

4.   Is-saldu tal-enerġija tal-ibbilanċjar għall-prodotti tal-ibbilanċjar standard u speċifiċi għandu jkun ibbażat fuq l-ipprezzar marġinali, (ħlas skont il-prezz ta' kklirjar), sakemm l-awtoritajiet regolatorji kollha ma jkunux approvaw metodu tal-ipprezzar alternattiv abbażi ta' proposta konġunta mill-operaturi kollha tas-sistemi ta' trażmissjoni wara analiżi li turi li dak il-metodu tal-ipprezzar alternattiv huwa aktar effiċjenti.

Il-parteċipanti fis-suq għandhom jitħallew jitfgħu l-offerti tagħhom kemm jista' jkun qrib tal-ħin reali, u l-ħin tal-għeluq tan-negozju għall-enerġija tal-ibbilanċjar m'għandux jippreċedi l-ħin tal-għeluq tan-negozju tal-kapaċità transżonali tal-istess ġurnata.

L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni li japplikaw mudell ta' dispaċċ ċentralizzat jistgħu jistabbilixxu regoli addizzjonali skont il-linja gwida dwar l-ibbilanċjar tal-elettriku adottata abbażi tal-Artikolu 6(11) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009.

5.   L-iżbilanċi għandhom jiġu saldati bi prezz li jirrifletti l-valur tal-enerġija fil-ħin reali.

6.   Żona tal-prezz tal-iżbilanċ għandha tkun daqs żona tal-offerti, għajr f'każ ta' mudell ta' dispaċċ ċentralizzat, fejn iż-żona tal-prezz tal-iżbilanċ tista' tikkostitwixxi parti miż-żona tal-offerti.

7.   Id-dimensjoni tal-kapaċità ta' riserva għandha titwettaq mill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni u għandha tkun iffaċilitata fuq livell reġjonali.

8.   L-akkwist tal-kapaċità ta' bbilanċjar għandu jitwettaq mill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni u jkun iffaċilitat fuq livell reġjonali u r-riserva tal-kapaċità transkonfinali għal dak l-għan tista' tiġi limitata. L-akkwist tal-kapaċità tal-ibbilanċjar għandu jkun ibbażat fuq is-suq u organizzat b'tali mod li ma jkunx diskriminatorju bejn il-parteċipanti fis-suq fil-proċess, skont l-Artikolu 40(4) tad-Direttiva (UE) 2019/944, sew jekk il-parteċipanti fis-suq jipparteċipawx b'mod individwali jew b'mod aggregat.

L-akkwist tal-kapaċità tal-ibbilanċjar għandu jkun ibbażat fuq suq primarju sakemm u sa fejn l-awtorità regolatorja tkun pprovdiet għal deroga biex tippermettil-użu ta' forom oħra ta' akkwist ibbażat fuq is-suq fuq il-bażi ta' nuqqas ta' kompetizzjoni fis-suq għas-servizzi tal-ibbilanċjar. Id-derogi mill-obbligu fuqhom jiġi ibbażat l-akkwist ta' kapaċità ta' bbilanċjar fuq l-użu tas-swieq primarji għandhom jiġu riveduti kull tliet snin.

9.   L-akkwist tal-kapaċità ta' bbilanċjar 'il fuq u tal-kapaċità ta' bbilanċjar 'l isfel għandhom jitwettqu b'mod separat, sakemm l-awtorità regolatorja ma tapprovax deroga minn dan il-prinċipju abbażi li dan jirriżulta f'effiċjenza ekonomika ogħla kif muri minn valutazzjoni mwettqa mill-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni. Il-kuntratti tal-kapaċità tal-ibbilanċjar m'għandhomx jiġu konklużi iktar minn jum qabel l-għoti tal-kapaċità ta' bbilanċjar u l-perjodu ta' kkuntrattar m'għandux ikollu perjodu itwal minn ġurnata, sakemm u sa fejn l-awtorità regolatorja tkun approvat kuntratti preċedenti jew perjodi ta' kuntrattar itwal biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista jew biex titjieb l-effiċjenza ekonomika.

Meta tingħata deroga, għal mill-inqas 40 % tal-prodotti ta' bbilanċjar standard u minimu ta' 30 % tal-prodotti użati kollha għall-kapaċità tal-ibbilanċjar, l-kuntratti għall-kapaċità tal-ibbilanċjar għandhom jiġu konklużi għal mhux aktar minn jum qabel l-għoti tal-kapaċità tal-ibbilanċjar u l-perjodu ta' kuntrattar m'għandux ikun itwal minn ġurnata. Il-kuntrattar tal-bqija tal-kapaċità ta' bbilanċjar għandu jitwettaq għal perjodu massimu ta' xahar qabel il-forniment tal-kapaċità ta' bbilanċjar u għandu jkollu perjodu kuntrattwali massimu ta' xahar.

10.   Fuq talba tal-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni, l-awtorità regolatorja tista' testendi l-perjodu kuntrattwali tal-parti li jifdal tal-kapaċità ta' bbilanċjar imsemmi fil-paragrafu 9 għal perjodu massimu ta' tnax-il xahar dment li tali deċiżjoni hija limitata fiż-żmien, u li l-effetti pożittivi f'termini ta' tnaqqis tal-ispejjeż għall-klijenti finali ikunu akbar mill-impatti negattivi fuq is-suq. It-talba għandha tinkludi:

(a)

il-perjodu ta' żmien speċifiku li matulu għandha tapplika l-eżenzjoni;

(b)

il-volum speċifiku ta' kapaċità ta' bbilanċjar li għalih għandha tapplika l-eżenzjoni;

(c)

analiżi tal-impatt ta' l-eżenzjoni fuq il-parteċipazzjoni ta' riżorsi ta' bbilanċjar; u

(d)

ġustifikazzjoni għall-eżenzjoni li turi li tali eżenzjoni twassal għal spejjeż aktar baxxi għall-kijenti finali.

11.   Minkejja l-paragrafu 10, mill-1 ta' Jannar 2026, perjodi kuntrattwali m'għandhomx ikunu itwal minn sitt xhur.

12.   Sal-1 ta' Jannar 2028, l-awtoritajiet regolatorji għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni u l-ACER il-perċentwal tal-kapaċità totali koperta minn kuntratti jew akkwist b'-perjodi ta' żmien li humaitwal minn ġurnata.

13.   L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni jew l-operaturi delegati tagħhom għandhom jippubblikaw, kemm jista' jkun qrib il-ħin reali iżda b' dewmien wara l-konsenja ta' mhux aktar minn 30 minuta, is-sistema attwali tal-ibbilanċjar taż-żoni ta' skedar tagħhom, il-prezzijiet stmati tal-iżbilanċ u l-prezzijiet stmati tal-enerġija ta' bbilanċjar.

14.   L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni jistgħu, meta l-prodotti tal-ibbilanċjar standard ma jkunux biżżejjed biex jiżguraw is-sigurtà operazzjonali jew fejn xi riżorsi tal-ibbilanċjar ma jkunux jistgħu jipparteċipaw fis-suq tal-ibbilanċjar permezz ta' prodotti tal-ibbilanċjar standard jipproponu, u l-awtoritajiet regolatorji jistgħu japprovaw, eżenzjonijiet mill-paragrafi 2 u 4 għal prodotti tal-ibbilanċjar speċifiċi li jiġu attivati lokalment mingħajr ma jiġu skambjati ma' operaturi oħra tas-sistema ta' trażmissjoni.

Il-proposti għal derogi għandhom jinkludu deskrizzjoni tal-miżuri proposti sabiex jiġi minimizzat l-użu ta' prodotti speċifiċi soġġetti għall-effiċjenza ekonomika, id-dimostrazzjoni li l-prodotti speċifiċi ma joħolqux ineffiċjenzi u distorsjonijiet sinifikanti fis-suq tal-ibbilanċjar jew fiż-żona tal-iskedar kif ukoll barra minnha kif ukoll, fejn applikabbli, ir-regoli u l-informazzjoni għall-proċess għall-konverżjoni tal-offerti għall-enerġija tal-ibbilanċjar minn prodotti speċifiċi f'offerti għall-enerġija tal-ibbilanċjar minn prodotti standard.

Artikolu 7

Is-suq ta' ġurnata bil-quddiem u s-suq tal-istess ġurnata

1.   L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni u n-NEMOs għandhom jorganizzaw b'mod konġunt il-ġestjoni tas-swieq integrati ta' ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata skont r-Regolament (UE) 2015/1222. L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni u ln-NEMOs għandhom jikkooperaw fil-livell tal-Unjoni jew, meta jkun aktar xieraq, fuq bażi reġjonali sabiex jimmassimizzaw l-effiċjenza u l-effettività tal-kummerċ ta' ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata tal-elettriku tal-Unjoni. L-obbligu ta' kooperazzjoni għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Fil-funzjonijiet tagħhom relatati mal-kummerċ fl-elettriku, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni u n-NEMOs għandhom ikunu soġġetti għal sorveljanza regolatorja mill-awtoritajiet regolatorji skont l-Artikolu 59 tad-Direttiva (UE) 2019/944 u l-ACER skont l-Artikoli 4 u 8 tar-Regolament (UE) 2019/942.

2.   Is-suq ta' ġurnata bil-quddiem u s-suq tal-istess ġurnata għandhom:

(a)

ikunu organizzati b'tali mod li ma jkunux diskriminatorji;

(b)

jimmassimizzaw l-abilità tal-parteċipanti kollha fis-suq li jimmaniġġjaw l-iżbilanċi;

(c)

jimmassimizzaw l-opportunitajiet għall-parteċipanti kollha fis-suq biex jipparteċipaw fil-kummerċ transżonali kemm jista' jkun qrib il-ħin reali fiż-żona tal-offerti kollha;

(d)

jipprovdu prezzijiet li jirriflettu l-prinċipji fundamentali tas-suq, inkluż il-valur tal-enerġija fil-ħin reali, li fuqhom l-parteċipanti fis-suq ikunu jistgħu jserrħu fuqhom meta jaqblu dwar l-iħħeġġjar tal-prodotti fuq perjodu itwal ta' żmien;

(e)

jiżguraw is-sigurtà operazzjonali filwaqt li jippermettu li jsir l-aħjar użu mill-kapaċità tat-trażmissjoni;

(f)

ikunu trasparenti u fl-istess ħin jipproteġu l-kunfidenzjalità ta' informazzjoni kummerċjalment sensittiva u jiżguraw li l-kummerċ isir b'mod anonimu;

(g)

ma jagħmlu l-ebda distinzjoni bejn il-kummerċ li jsir fiż-żona tal-offerti u dak li jsir madwar iż-żoni tal-offerti; u

(h)

ikunu organizzati b'tali mod li jiżguraw li l-parteċipanti kollha fis-suq ikunu jistgħu jaċċessaw għas-suq b'mod individwali jew b'mod aggregat.

Artikolu 8

Kummerċ fis-suq ta' ġurnata bil-quddiem u fis-suq tal-istess ġurnata

1.   In-NEMOs għandhom iħallu lill-parteċipanti fis-suq jikkummerċjalizzaw l-enerġija kemm jista' jkun qrib tal-ħin reali, u mill-inqas sal-ħin tal-għeluq tan-negozju tal-kapaċità transżonali tal-istess ġurnata.

2.   In-NEMOs għandhom jipprovdu lill-parteċipanti fis-suq bl-opportunità li jikkummerċjalizzaw fl-enerġija f'intervalli ta' żmien li jkunu qosra mill-inqas daqs il-perjodu tas-saldu tal-iżbilanċ kemm fis-suq ta' ġurnata bil-quddiem kif ukoll fis-suq tal-istess ġurnata.

3.   In-NEMOs għandhom jipprovdu għall-kummerċ fis-swieq ta' ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata prodotti li huma ta' daqs żgħir biżżejjed, b'daqsijiet massimi tal-offerti ta' 500 kW jew inqas, biex jippermettu l-parteċipazzjoni effettiva tar-rispons fin-naħa tad-domanda, tal-ħżin tal-enerġija u tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli fuq skala żgħira, inkluż parteċipazzjoni direttamill-konsumaturi.

4.   Sal-1 ta' Jannar 2025, il-perjodu tas-saldus-saldu tal-iżbilanċ għandu jkun ta' 15-il minuta fiż-żoni kollha ta' skedar, sakemm l-awtoritajiet regolatorji ma jkunux taw deroga jew eżenzjoni. Id-derogi jingħataw biss sal-31 ta' Diċembru 2024.

Mill-1 ta' Jannar 2025, il-perjodu tas- saldu tal-iżbilanċ ma għandux ikun aktar minn 30 minuta meta tingħata eżenzjoni mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kollha ta' żona sinkronika.

Artikolu 9

Swieq forward

1.   F' konformita',mar-Regolament (UE) 2016/1719, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jippubblikaw drittijiet ta' trażmissjoni ta' terminu twil jew ikollhom fis-seħħ miżuri ekwivalenti li jippermettu lill-parteċipanti fis-suq, inkluż sidien ta' faċilitajiet ta' ġenerazzjoni ta' enerġija li jużaw sorsi ta' enerġija rinnovabbli, biex jiħħeġġjaw ir-riskji fil-prezz fil-konfini taż-żona tal-offerti, sakemm valutazzjoni tas-suq bil-quddiem fuq il-konfini taż-żona tal-offerti, imwettqa mill-awtoritajiet regolatorji kompetenti ma turix li hemm opportunitajiet suffiċjenti ta' ħħeġġjar fiż-żoni tal-offerti kkonċernati.

2.   Id-drittijiet ta' trażmissjoni ta' terminu twil għandhom ikunu allokati b'mod trasparenti, ibbażat fuq is-suq u nondiskriminatorju permezz ta' pjattaforma unika ta' allokazzjoni.

3.   Soġġetti għall-konformità mal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Unjoni, l-operaturi tas-suq għandhom ikunu liberi li jiżviluppaw prodotti għall-iħħeġġjar bil-quddiem, inklużi għal perjodu twil biex jipprovdu lill-parteċipanti fis-suq, inkluż is-sidien ta' faċilitajiet ta' ġenerazzjoni ta' enerġija li jużaw sorsi ta' enerġija rinnovabbli, b'possibbiltajiet xierqa ta' ħħeġġjar tar-riskji finanzjarji kontra l-fluttwazzjonijiet tal-prezzijiet. L-Istati Membri ma għandhomx jirrikjedu li tali-attivitajiet ta' ħħeġġjar ikunu limitati għal kummerċ fl-Istat Membru jew fiż-żona tal-offerti.

Artikolu 10

Limiti tekniċi tal-offerti

1.   Ma għandu jkun hemm la limitu massimu u lanqas limitu minimu tal-prezz tal-elettriku bl-ingrossa. Din id-dispożizzjoni għandha tapplika, fost l-oħrajn, għall-offerti u l-ikklirjar fil-perjodi kollha ta' żmien u tinkludi l-enerġija ta' bbilanċjar u l-prezzijiet tal-iżbilanċ, mingħajr preġudizzju għal-limiti tekniċi tal-prezzijiet li jistgħu jiġu applikati fil-perjodu ta' żmien tal-ibbilanċjar u għall-perjodi ta' żmien ta' ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata skont il-paragrafu 2.

2.   In-NEMOs jistgħu japplikaw limiti armonizzati fuq il-prezzijiet massimi u minimi ta' kklirjar għall-perjodi ta' żmien ta' ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata. Dawk il-limiti għandhom ikunu għoljin biżżejjed sabiex ma jirrestrinġux bla bżonn il-kummerċ, għandhom jiġu armonizzati għas-suq intern u għandhom jqisu l-valur massimu tat-tagħbija mitlufa. In-NEMOs għandhom jimplimentaw mekkaniżmu trasparenti biex jaġġusta b'mod awtomatiku l-limiti tekniċi tal-offerta fi żmien dovut f'każ li l-limiti stabbiliti jkunu mistennija li jintlaħqu. Il-limiti l-għolja aġġustati għandhom jibqgħu applikabbli sakemm ikunu jenħtieġu aktar żidiet skont dak il-mekkaniżmu.

3.   L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni ma għandhom jieħdu l-ebda miżura bil-għan li jinbidlu l-prezzijiet bl-ingrossa.

4.   L-awtoritajiet regolatorji jew, fejn Stat Membru ħatar awtorità kompetenti oħra għal dak l-iskop, dawn l-awtoritajiet kompetenti maħtura, għandhom jidentifikaw il-politiki u l-miżuri applikati fit-territorju tagħhom li jistgħu jikkontribwixxu biex jillimitaw b'mod indirett il-formazzjoni tal-prezzijiet bl-ingrossa, anki bil-limitazzjoni tal-offerti relatati mal-attivazzjoni tal-enerġija ta' bbilanċjar, tal-mekkaniżmi ta' kapaċità, miżuri mill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni, miżuri maħsuba biex jisfidaw ir-riżultati tas-suq, jew biex jipprevjenu l-abbuż tal-pożizzjonijiet dominanti jew taż-żoni tal-offerti ddefiniti b'mod ineffiċjenti.

5.   Meta awtorità regolatorja jew awtorità kompetenti maħtura tidentifika politika jew miżura li tista' tgħin biex tillimita l-formazzjoni tal-prezzijiet bl-ingrossa, din għandha tieħu l-azzjonijiet kollha xierqa biex telimina jew, jekk dan ma jkunx possibbli, biex tillimita l-impatt ta' dik il-politika jew miżura fuq l-imġiba tal-offerti. L-Istati Membri għandhom jipprovdu rapport lill-Kummissjoni sal-5 ta' Jannar 2020 li jagħti dettalji dwar il-miżuri u l-azzjonijiet li ħadu jew li beħsiebhom jieħdu.

Artikolu 11

Valur tat-tagħbija mitlufa

1.   Sal-5 ta' Lulju 2020 fejn meħtieġ għall-iffissar ta' standard ta' affidabbiltà skont l-Artikolu 25 l-awtoritajiet regolatorji jew fejn Stat Membru ħatar awtorità kompetenti oħra għal dak l-iskop, tali awtoritajiet kompetenti nnominati għandhom jiddeterminaw stima unika tal-valur tat-tagħbija mitlufa għat-territorju tagħhom. Dik l-istima għandha tkun disponibbli għall-pubbliku. L-awtoritajiet regolatorji jew awtoritajiet kompetenti oħra maħtura jistgħu jistabbilixxu stimi differenti għal kull żona tal-offerti jekk ikollhom iktar minn żona waħda tal-offerti fit-territorju tagħhom. Meta żona tal-offerti tkun tikkonsisti minn territorji ta' aktar minn Stat Membru wieħed, l-awtoritajiet regolatorji jew awtoritajiet kompetenti nominati oħra kkonċernati għandhom jistabbilixxu stima ta' valur tat-tagħbija mitlufa unika għal dik iż-żona tal-offerti. Fl-istabbiliment tal-valur tat-tagħbija mitlufa, l-awtoritajiet regolatorji jew awtoritajiet kompetenti oħra maħtura għandhom japplikaw il-metodoloġija msemmija fl-Artikolu 23(6).

2.   Awtoritajiet regolatorji u awtoritajiet kompetenti maħtura għandhom jaġġornaw l-istima tal-valur tat-tagħbija mitlufa tagħhom mill-inqas kull ħames snin jew meta josservaw bidla sinifikanti.

Artikolu 12

Dispaċċ tar-rispons ta' ġenerazzjoni u tad-domanda

1.   Id-dispaċċ tal-faċilitajiet ta' ġenerazzjoni tal-enerġija u tar-rispons tad-domanda għandu jkun nondiskriminatorju, trasparenti u, sakemm ma jkunx previst mod ieħor skont il-paragrafi 2 sa 6, ibbażat fuq is-suq.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 107, 108 u 109 TFUE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta jsir id-dispaċċ tal-installazzjonijiet tal-ġenerazzjoni tal-elettriku, l-operaturi tas-sistema għandhom jajagħtu dispaċċ ta' prijorità lill-installazzjonijiet ta' ġenerazzjoni li jużaw sorsi ta' enerġija rinnovabbli sa fejn tippermetti t-tħaddim sikur tas-sistema tal-elettriku nazzjonali, fuq il-bażi ta' kriterji trasparenti u nondiskriminatorji u fejn tali faċilitajiet li jiġġeneraw l-enerġija huma jew:

(a)

faċilitajiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija li jużaw sorsi ta' enerġija rinnovabbli u għandhom kapaċità tal-elettriku installata ta' inqas minn 400 kW; jew

(b)

proġetti ta' dimostrazzjoni għat-teknoloġiji innovattivi, soġġetti għall-approvazzjoni mill-awtorità regolatorja, bil-kondizzjoni li tali prijorità tkun limitata għaż-żmien u għall-miżura meħtieġa biex jinkisbu l-għanijiet tad-dimostrazzjoni.

3.   Stat Membru jista' jiddeċiedi li ma japplikax id-dispaċċ ta' prijorità għal faċilitajiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija kif imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 2 li t-tħaddim tagħhom jibda mill-inqas sitt xhur wara dik id-deċiżjoni, jew li japplika livell kapaċità minima aktar baxxa minn dik stabbilita fil-punt (a) tal-paragrafu (2), sakemm:

(a)

is-swieq tal-istess ġurnata li jiffunzjonaw tajjeb u oħrajn bl-imnut u tal-ibbilanċjar u li dawk is-swieq ikunu kompletament aċċessibbli għall-parteċipanti kollha fis-suq skont dan ir-Regolament;

(b)

ir-regoli tad-dispaċċ mill-ġdid u l-ġestjoni tal-konġestjoni jkunu trasparenti għall-parteċipanti kollha tas-suq;

(c)

il-kontribuzzjoni nazzjonali tal-Istat Membru lejn il-mira globali vinkolanti tal-Unjoni għal sehem ta' enerġija minn sorsi rinnovabbli skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18) u l-punt (a)(2) tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19) hija mill-inqas daqs ir-riżultat korrispondenti tal-formula stabbilita fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/1999 u s-sehem ta' enerġija minn sorsi rinnovabbli tal-Istat Membru mhuwiex taħt il-punti ta' referenza tiegħu tiegħu skont il-punt (a)(2) tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2018/1999; jew alternattivament, is-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli tal-Istat Membru fil-konsum finali gross tal-elettriku jkun mill-inqas 50 %;

(d)

l-Istat Membru jkun innotifika d-deroga ppjanata lill-Kummissjoni li tistabbilixxi fid-dettall kif il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a), (b) u (c) huma ssodisfati; u

(e)

l-Istat Membru jkun ippubblika d-deroga ppjanata, inkluż ir-raġunament dettaljat għall-għoti ta' dik id-deroga, filwaqt li, fejn meħtieġ, iqis il-protezzjoni tal-informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

Kull deroga għandha tevita bidliet retroattivi li taffetwa l-installazzjonijiet tal-ġenerazzjoni li diġà jkunu jibbenefikaw minn dispaċċ ta' prijorità, minkejja kwalunkwe ftehim bejn Stat Membru u installazzjoni ta' ġenerazzjoni fuq bażi volontarja.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 107, 108 u 109 tat-TFUE, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu inċentivi għall-installazzjonijiet eliġibbli għad-dispaċċ ta' prijorità biex volontarjament jirrinunzjaw id-dispaċċ ta' prijorità.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 107, 108 u 109 tat-TFUE, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu dispaċċ ta' prijorità għall-elettriku ġġenerat f'faċilitajiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija bl-użu ta' koġenerazzjoni ta' effiċjenza għolja b'kapaċità tal-elettriku installata ta' inqas minn 400 kW.

5.   Għall-faċilitajiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija kkummissjonati mill-1 ta' Jannar 2026, il-punt (b) tal-paragrafu 2 għandu japplika biss għall-faċilitajiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija li jużaw sorsi ta' enerġija rinnovabbli u għandhom kapaċità tal-elettriku installata ta' inqas minn 200 kW.

6.   Mingħajr preġudizzju għall-kuntratti konklużi qabel l-4 ta' Lulju 2019, faċilitajiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija li jużaw sorsi ta' enerġija rinnovabbli jew koġenerazzjoni ta' effiċjenza għolja li ġew ikkummissjonati qabel l-4 ta' Lulju 2019 u, meta ġew ikkummissjonati, kienu soġġetti għal dispaċċ ta' prijorità skont l-Artikolu 15(5) tad-Direttiva 2012/27/UE jew l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20) għandhom jibqgħu jibbenefikaw minn dispaċċ ta' prijorità. Id-dispaċċ ta' prijorità ma għandux jibqa' japplika għal tali faċilitajiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija mid-data li fiha l-faċilità tal-ġenerazzjoni tal-enerġija ssir soġġetta għal modifiki sinifikanti, f'każ li mill-inqas ikun meħtieġ ftehim ta' konnessjoni ġdid jew fejn tiżdied il-kapaċità ta' ġenerazzjoni tal-faċilitajiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija.

7.   Id-dispaċċ ta' prijorità ma għandux jipperikola t-tħaddim sigur tas-sistema tal-elettriku, ma għandux jintuża bħala ġustifikazzjoni għat-tnaqqis fil-kapaċitajiet transżonali lil hinn minn dak li huwa previst fl-Artikolu 16 u għandu jkun ibbażat fuq kriterji trasparenti u nondiskriminatorji.

Artikolu 13

Dispaċċ mill-ġdid

1.   Id-dispaċċ mill-ġdid tal-ġenerazzjoni u d-dispaċċ mill-ġdid tar-rispons tad-domanda għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi, trasparenti u nondiskriminatorji. Għandu jkun miftuħ għal kull teknoloġija ta' ġenerazzjoni, il-ħżin tal-eneġija kollha u rispons għad-domanda kollha, inkluż dawk li jinsabu fi Stati Membri oħra ħlief jekk ma jkunx teknikament vijabbli.

2.   Ir-riżorsi li huma dispaċċati mill-ġdid għandhom jintgħażlu fost il-faċilitajiet ta' ġenerazzjoni, ħżin tal-enerġija jew rispons tad-domanda billi jintużaw mekkaniżmi bbażati fuq is-suq u jkunu kkumpensati finanzjarjament. L-offerti għall-enerġija tal-ibbilanċjar użati għad-dispaċċ mill-ġdid ma għandhomx jistabbilixxu l-prezz tal-enerġija tal-ibbilanċjar.

3.   Id-dispaċċ mill-ġdid ta' ġenerazzjoni, tal-ħżin tal-enerġija u tar-rispons tad-domanda jistgħu jintużaw bissmeta:

(a)

l-ebda alternattiva bbażata fuq is-suq ma hija disponibbli;

(b)

ir-riżorsi bbażati fuq is-suq ikunu intużaw kollha;

(c)

l-għadd ta' faċilitajiet ta' ġenerazzjoni tal-enerġija disponibbli, ħżin tal-enerġija jew ta' rispons tad-domanda ikun baxx wisq biex jiżgura l-kompetizzjoni effettiva fiż-żona fejn il-faċilitajiet xierqa għall-għoti tas-servizz; jew

(d)

is-sitwazzjoni attwali tal-grilja tirriżulta f'konġestjoni tant regolari u prevedibbli li d-dispaċċ mill-ġdid ibbażat fuq is-suq iwassal għal offerti regolari strateġiċi li jżidu l-livell ta' konġestjoni interna u l-Istat Membru kkonċernat ikun adotta pjan ta' azzjoni biex jindirizza dawn il-konġestjonijiet jew jiżgura li l-kapaċità disponibbli minima għal kummerċ transżonali tkun f'konformità mal-Artikolu 16(8).

4.   L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni u l-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni rilevanti għandhom jippreżentaw rapport mill-inqas kull sena lill-awtorità regolatorja kompetenti, dwar:

(a)

il-livell ta' żvilupp u effikaċja tal-mekkaniżmi tad-dispaċċ mill-ġdid ibbażati fuq is-suq għall-faċilitajiet ta' ġenerazzjoni tal-enerġija, tal-ħżin tal-enerġija u tar-rispons għad-domanda;

(b)

ir-raġunijiet, il-volumi f'MWh u t-tip ta' sors tal-ġenerazzjoni soġġett għad-dispaċċ mill-ġdid;

(c)

il-miżuri meħuda biex fil-futur titnaqqas il-ħtieġa għad-dispaċċ mill-ġdid 'l isfel tal-installazzjonijiet ta' ġenerazzjoni li jużaw sorsi ta' enerġija rinnovabbli jew koġenerazzjoni ta' effiċjenza għolja, inklużi investimenti fid-diġitalizzazzjoni tal-infrastruttura tal-grilja u fis-servizzi li jżidu l-flessibbiltà.

L-awtorità regolatorja għandha titrażmentti r-rapport lill-ACER u għandha tippubblika sommarju tad-data msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu flimkien mar-rakkomandazzjonijiet għal titjib fejn meħtieġ.

5.   Soġġetti għar-rekwiżiti dwar iż-żamma tal-affidabbiltà u tas-sikurezza tal-grilja, abbażi ta' kriterji trasparenti u nondiskriminatorji stabbiliti mill-awtoritajiet regolatorji, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni u l-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni għandhom:

(a)

jiżguraw il-kapaċità tan-netwerks ta' trażmissjoni u tan-netwerks ta' distribuzzjoni biex jittrażmettu l-elettriku prodott mis-sorsi ta' enerġija rinnovabbli jew mill-koġenerazzjoni ta' effiċjenza għolja bl-inqas dispaċċ mill-ġdid possibbli, li ma għandux iwaqqaf l-ippjanar tan-netwerk milli jqis dispaċċ mill-ġdid limitat meta l-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni jew l-operatur tas-sistema ta' distribuzzjoni jista' juri b'mod trasparenti li dan ikun jidher ekonomikament aktar effiċjenti u ma jaqbiżx il-5 % tal-elettriku ġġenerat annwali f'installazzjonijiet li jużaw sorsi ta' enerġija rinnovabbli u li huma konnessi direttament mal-grilja rispettiva tagħhom, sakemm ma jiġix previst mod ieħor minn Stat Membru li fih l-elettriku minn faċilitajiet ta' ġenerazzjoni tal-enerġija li jużaw sorsi ta' enerġija rinnovabbli jew koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja jirrappreżenta aktar minn 50 % tal-konsum finali gross annwali tal-elettriku;

(b)

jieħdu miżuri operazzjonali xierqa relatati mal-grilja u mas-suq biex jiġi minimizzat id-dispaċċ mill-ġdid 'l isfel tal-elettriku prodott mis-sorsi ta' enerġija rinnovabbli jew mill-koġenerazzjoni ta' effiċjenza għolja.

(c)

jiġi żgurat li n-netwerks tagħhom huma flessibbli biżżejjed sabiex ikunu kapaċi jamministrawhom.

6.   Jekk ma jintuża l-ebda dispaċċ mill-ġdid 'l isfel ibbażat fuq is-suq, għandhom japplikaw il-prinċipji li ġejjin:

(a)

il-faċilitajiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija li jużaw sorsi ta' enerġija rinnovabbli għandhom ikunu soġġetti biss għad-dispaċċ mill-ġdid 'l isfel jekk ma tkun teżisti l-ebda alternattiva oħra jew jekk soluzzjonijiet oħra jirriżultaw f'kostijiet sproporzjonati b'mod sinifikanti jew f'riskji gravi għas-sigurtà tan-netwerk;

(b)

l-elettriku ġġenerat fi proċess ta' koġenerazzjoni ta' effiċjenza għolja għandu jkun soġġett biss għad-dispaċċ mill-ġdid 'l isfel jekk, ħlief għad-dispaċċ mill-ġdid 'l isfel tal-faċilitajiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija li jużaw sorsi ta' enerġija rinnovabbli, ma tkun teżisti l-ebda alternattiva oħra jew jekk soluzzjonijiet oħra jirriżultaw f'kostijiet jew f'riskji severi sproporzjonati għas-sigurtà tan-netwerk;

(c)

l-elettriku awtoġenerat mill-installazzjonijiet ta' ġenerazzjoni li jużaw sorsi ta' enerġija rinnovabbli jew koġenerazzjoni ta' effiċjenza għolja li ma jfornix in-netwerk ta' trażmissjoni jew ta' distribuzzjoni ma għandux ikun soġġett għad-dispaċċ mill-ġdid 'l isfel sakemm l-ebda soluzzjoni oħra ma ssolvi l-kwistjonijiet ta' sigurtà tan-netwerk;

(d)

id-dispaċċ mill-ġdid 'l isfel skont il-punti (a), (b) u (c) hawn fuq għandhom ikunu ġustifikati kif xieraq u b'mod trasparenti. Il-ġustifikazzjoni għandha tkun inkluża fir-rapport skont il-paragrafu 3.

7.   Jekk ma jintuża l-ebda dispaċċ mill-ġdid mhux ibbażat fuq is-suq, għandu jkun soġġett għal kumpens finanzjarju mill-operatur tas-sistema li jitlob id-dispaċċ mill-ġdid lill-operatur tal-faċilità tal-ġenerazzjoni tad-dispaċċ mill-ġdid, tal-ħżin tal-enerġija jew tar-rispons tad-domanda ħlief fil-każ ta' produtturi li jkunu aċċettaw ftehim ta' konnessjoni li fih ma tkunx iggarantita konsenja fis-sod tal-enerġija. Talikumpens finanzjarju għandu jkun daqs valur ogħla tal-elementi li ġejjin jew kombinazzjoni tat-tnejn jekk l-applikazzjoni tal-ogħla wieħed biss twassal għal kumpens inġustifikabbilment baxx jew inġustifikabbilment għoli:

(a)

il-kostijiet ta' tħaddim addizzjonali kkawżati mid-dispaċċ mill-ġdid, bħall-kostijiet addizzjonali tal-karburant f'każ ta' dispaċċ mill-ġdid 'il fuq jew il-provvista ta' sħana ta' riserva f'każ ta' dispaċċ mill-ġdid 'l isfel tal-faċilitajiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija li tuża koġenerazzjoni ta' effiċjenza għolja;

(b)

id-dħul nett mill-bejgħ tal-elettriku fis-suq ta' ġurnata bil-quddiem li l-faċilità ta' ġenerazzjoni tal-enerġija, ta' ħżin tal-enerġija jew rispons tad-domanda kieku tiġġenera mingħajr it-talba ta' dispaċċ mill-ġdid; meta jingħata l-appoġġ finanzjarju lill-faċilitajiet ta' ġenerazzjoni tal-enerġija, ta' ħżin jew ta' rispons tad-domanda abbażi tal-volum tal-elettriku ġġenerat jew ikkonsmat, l-appoġġ finanzjarju li kieku kien jiġi riċevut mingħajr it-talba ta' tqassim mill-ġdid għandu jitqies bħala parti mid-dħul nett.

KAPITOLU III

AĊĊESS GĦAN-NETWERK U ĠESTJONI TAL-KONĠESTJONI

TAQSIMA 1

Allokazzjoni tal-kapaċità

Artikolu 14

Reviżjoni taż-żona tal-offerti

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri adatti kollha biex jindirizzaw il-konġestjonijiet. Il-konfini taż-żona tal-offerti għandhom ikunu bbażati fuq il-konġestjonijiet strutturali u fuq terminu twil tan-netwerk tat-trażmissjoni. Iż-żoni tal-offerti ma għandhomx jinkludu dawn il-konġestjonijiet strutturali ħlief jekk ma jkollhomx impatt fuq żoni ta' offerti ġirien, jew, bħala eżenzjoni temporanja, l-impatt tagħhom fuq żoni tal-offerti ġirien huwa mmitigat bl-użu ta' azzjonijiet ta' rimedju u dawk l-konġestjonijiet strutturali ma jwasslux għal tnaqqis ta' kapaċità kummerċjali transżonali f'konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 16. Il-konfigurazzjoni taż-żoni tal-offerti fl-Unjoni għandha titfassal b'tali mod li timmassimizza l-effiċjenza ekonomika u sabiex timmassimizza l-opportunitajiet ta' kummerċ transżonali filwaqt li żżomm is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija.

2.   Kull tliet snin, in-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku (“ENTSO tal-Elettriku”) għandu jirrapporta dwar il-konġestjonijiet strutturali u konġestjonijiet fiżika oħra kbira bejn u fi ħdan iż-żoni tal-offerti, inkluż il-post u l-frekwenza ta' tali konġestjoni skont il-linja gwida dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità u l-ġestjoni tal-konġestjoni adottata abbażi tal-Artikolu 18(5) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009. Dak ir-rapport għandu jkun fih valutazzjoni dwar jekk il-kapaċità kummerċjali transżonali laħqitx trajjettorja lienari skont l-Artikolu 15 jew il-kapaċità minima skont l-Artikolu 16 ta' dan ir-Regolament.

3.   Sabiex tiġi żgurata l-konfigurazzjoni ottimali taż-żona tal-offerti, għandha titwettaq reviżjoni taż-żona tal-offerti. Dik ir-reviżjoni għandha tidentifika l-konġestjoni strutturali kollha u għandha tinkludi analiżi tal-konfigurazzjonijiet differenti taż-żoni tal-offerti b'mod koordinat bl-involviment tal-partijiet ikkonċernati mill-Istati Membri rilevanti kollha, filwaqt li l-proċess ikun f'konformità mal-linja gwida dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità u l-ġestjoni tal-konġestjoni adottata abbażi tal-Artikolu 18(5) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009. Iż-żoni tal-offerti attwali għandhom jiġu vvalutati abbażi tal-kapaċità tagħhom li joħolqu ambjent tas-suq affidabbli, inkluż għal ġenerazzjoni flessibbli u kapaċità tat-tagħbija, li huwa kruċjali biex jiġu evitati konġestjonijiet fil-grilja, għall-ibbilanċjar tad-domanda u tal-provvista tal-elettriku u biex tiġi żgurata s-sigurtà fit-tul tal-investimenti fl-infrastruttura tan-netwerk.

4.   Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu u tal-Artikolu 15 ta' dan ir-Regolament, l-Istati Membri, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni jew l-awtoritajiet regolatorji rilevanti jirreferu għal dawk l-Istati Membri, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni jew l-awtoritajiet regolatorji li jipparteċipaw fir-reviżjoni tal-konfigurazzjoni ta' żoni tal-offerti kif ukoll ta' dawk fl-istess reġjun bil-kapaċità kalkolata skont il-linja gwida dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità u l-ġestjoni tal-konġestjoni adottata abbażi tal-Artikolu 18(5) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009.

5.   Sal-5 ta' Ottubru 2019 l-operaturi rilevanti kollha tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jippreżentaw proposta għall-metodoloġija u s-suppożizzjonijiet li jridu jintużaw fil-proċess ta' reviżjoni taż-żoni tal-offerta u għall-konfigurazzjonijiet taż-żona tal-offerti alternattivi li jridu jiġu kkunsidrati lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali rilevanti għall-approvazzjoni. L-awtoritajiet regolatorji rilevanti għandhom jieħdu deċiżjoni unanima dwar il-proposta fi żmien 3 xhur tas-sottomissjoni tal-proposta. Fejn l-awtoritajiet regolatorji ma jistgħux jilħqu deċiżjoni unanima dwar il-proposta f'dak il-perjodu ta' żmien, l-ACER għandha tiddeċiedi, fi żmien tliet xhur oħra, dwar il-metodoloġija u s-suppożizzjonijiet u l-konfigurazzjonijiet taż-żona tal-offerti alternattivi li jridu jitqiesu. Il-metodoloġija għandha tkun ibbażata fuq konġestjonijiet strutturali li mhumiex mistennija li jingħelbu fit-tliet snin ta' wara, waqt li jitqies il-progress tanġibbli fuq proġetti ta' żvilupp tal-infrastruttura, li huma mistennija li jitwettqu fit-tliet snin ta' wara.

6.   Abbażi tal-metodoloġija u s-suppożizzjonijiet approvati skont il-paragrafu 3, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni li jipparteċipaw fir-reviżjoni taż-żona tal-offerti għandhom jippreżentaw proposta konġunta lill-Istati Membri rilevanti jew lill-awtoritajiet kompetenti nominati tagħhom, jekk jemendawx jew iżommux il-konfigurazzjoni taż-żona tal-offerti mhux aktar tard minn 12-il xahar wara l-approvazzjoni tal-metodoloġija u s-suppożizjonijiet skont il-paragrafu 4. Stati Membri oħra, il-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija, jew pajjiżi terzi oħrajn li jikkondividu l-istess żona sinkronika ma' kwalunkwe Stat Membru rilevanti jistgħu jissottomettu kummenti.

7.   Meta tkun ġiet identifikata konġestjoni strutturali fir-rapport skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu jew fir-reviżjoni taż-żona tal-offerti skont il-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu jew minn operatur wieħed jew aktar tas-sistema ta' trażmissjoni fiż-żoni ta' kontroll tagħhom f'rapport approvat mill-awtorità jew mill-awtorità regolatorja kompetenti, l-Istat Membru b'konġestjoni strutturali identifikata għandu, f'kooperazzjoni mal-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni tiegħu, jiddeċiedi, fi żmien sitt xhur tal-wasla tar-rapport, jew li jistabbilixxu l-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali jew multinazzjonali skont l-Artikolu 15, jew li jirrevedi u jemenda l-konfigurazzjoni taż-żona tal-offerti tiegħu. Il-Kummissjoni u lill-ACER għandhom ikunu mgħarrfa minnufih dwar dawk id-deċiżjonijiet.

8.   Għal dawk l-Istati Membri li jkunu għażlu li jemendaw il-konfigurazzjoni taż-żona tal-offerti skont il-paragrafu 7, l-Istati Membri rilevanti għandhom jilħqu deċiżjoni unanima fi żmien sitt xhur min-notifika msemmija fil-paragrafu 7. Stati Membri oħra jistgħu jippreżentaw kummenti lill-Istati Membri rilevanti, li għandhom iqisu dawk il-kummenti meta jilħqu d-deċiżjoni tagħhom. Id-deċiżjoni għandha tkun motivata u għandha tingħata notifika lill-Kummissjoni u lill-ACER. Fil-każ li l-Istati Membri ma jirnexxilhomx jilħqu deċiżjoni unanima f'sitt xhur, huma għandhom minnufih jinnotifikaw lill-Kummissjoni. Bħala miżura tal-aħħar rikors, il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-ACER, għandha tadotta deċiżjoni dwar jekk temendax jew iżżommx il-konfigurazzjoni ta' żona tal-offerti fl-Istati Membri u bejniethom sa sitt xhur wara li tirċievi tali notifika.

9.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkonsultaw lill-partijiet ikkonċernati rilevanti qabel ma jadottaw deċiżjoni skont dan l-Artikolu.

10.   Kwalunkwe deċiżjoni adottata taħt dan l-Artikolu għandha tispeċifika d-data ta' implimentazzjoni ta' kwalunkwe bidla. Dik id-data ta' implimentazzjoni għandha tibbilanċja l-ħtieġa ta' prontezza b'kunsiderazzjonijet prattiċi, inkluż il-kummerċ forward tal-elettriku. Id-deċiżjoni tista' tistabbilixxi l-arranġamenti tranżitorji xierqa.

11.   Fejn jitnedew reviżjonijiet ulterjuri taż-żoni tal-offerti skont il-linja gwida dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità u l-ġestjoni tal-konġestjoni adottata abbażi tal-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009, għandu japplika da l-Artikolu.

Artikolu 15

Pjanijiet ta' azzjoni

1.   B'segwitu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni skont l-Artikolu 14(7), l-Istat Membru jew dawk l-Istat Membru b'konġestjoni strutturali identifikata għandu jiżviluppa pjan ta' azzjoni f'kooperazzjoni mal-awtorità regolatorja tiegħu. Dak il-pjan ta' azzjoni għandu jkun fih kalendarju konkret għall-adozzjoni tal-miżuri biex jitnaqqsu l-konġestjonijiet strutturali identifikati fi żmien 4 snin mill-adozzjoni tad-deċiżjoni skont l-Artikolu 14(7).

2.   indipendentement mill-progress konkret tal-pjan ta' azzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li mingħajr preġudizzju għad-derogi mogħtija skont l-Artikolu 16(9) jew devjazzjonijiet skont l-Artikolu 16(3), l-kapaċità tal-kummerċ transżonali tiżdied fuq bażi annwali sa ma tintlaħaq il-kapaċità minima prevista fl-Artikolu 16(8). Dik il-kapaċità minima għandha tintlaħaq sal-31 ta' Diċembru 2025.

Dawk iż-żidiet annwali għandhom jinkisbu permezz ta' trajettorja lineari. Il-punt ta' partenza ta' dik it-trajettorja għandu jkun jew il-kapaċità allokata fil-fruntiera jew inkella jew f'element kritiku tan-netwerk fis-sena ta' qabel l-adozzjoni tal-pjan ta' azzjoni jew il-medja tal-aħħar tliet snin qabel l-adozzjoni tal-pjan ta' azzjoni, skont liema minnhom tkun l-ogħla. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, matul l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' azzjoni tagħhom il-kapaċità li ssir disponibbli għall-kummerċ transżonali tkun skont l-Artikolu 16(8) tkun mill-inqas daqs il-valuri tat-trajettorja lineari, inkluż bl-użu ta' azzjonijiet ta' rimedju fir-reġjun bil-kapaċità kalkolata.

3.   Il-kostijiet tal-azzjonijiet ta' rimedju meħtieġa biex tinkiseb it-trajettorja lineari msemmijja fil-paragrafu 2 jew issir disponibbli kapaċità transżonali fil-fruntieri rilevanti kkonċernati mill-pjan ta' azzjoni għandhom ikunu akargu tal-Istat Membrulijimplimenta jew tal-Istati Membri li jimplimentaw i)l-pjan ta' azzjoni.

4.   Fuq bażi annwali, waqt l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni u fi żmien sitt xhur ta-iskadenza tiegħu, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni rilevanti għandhom jivvalutaw għat-12-il xahar preċedenti jekk il-kapaċità transkonfinali disponibbli laħqitx it-trajettorja linearijew, mill-1 ta' Jannar 2026, il-kapaċitajiet minimi previsti fl-Artikolu 16(8) ikunu ntlaqħu. Huma għandhom jippreżentaw il-valutazzjonijiet tagħhom lill-ACER u lill-awtoritajiet regolatorji rilevanti. Qabel ma jabbozzaw ir-rapport, kull operatur tas-sistema ta' trażmissjoni għandu jibgħat il-kontribut tiegħu għar-rapport, inkluża d-data kollha rilevanti, lill-awtorità regolatorja għall-approvazzjoni.

5.   Għal dawk l-Istati Membri li għalihom il-valutazzjonijiet msemmijja fil-paragrafu 4 juru li operatur tas-sistema ta' trażmissjoni ma kienx konformi mat-trajettorja lineari, l-Istati Membri rilevanti għandhom, fi żmien 6 xhur minn meta jirċievu l-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 4, jiddeċiedu b'mod unanimu dwar jekk għandhiex tiġi modifikata jew tinżamm il-konfigurazzjoni taż-żona tal-offerti fi ħdan u bejn dawk l-Istati Membri. Fid-deċiżjoni tagħhom,, l-Istati Membri oħra rilevanti għandhom iqisu kwalunkwe kumment imressaq minn.Stati Membri oħra. Id-deċiżjoni tal-Istati Membri rilevanti għandha tkun sostanzjata u għandha tiġi notifika lill-Kummissjoni u lill-ACER.

L-Istati Membri rilevanti għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni minnufih jekk ma jirnexxilhomx jilħqu deċiżjoni unanima fil-limitu ta' ż-żmien stabbilit. Fi żmien sitt xhur minn meta tirċievi din in-notifika, il-Kummissjoni, bħala miżura tal-aħħar rikors u wara konsultazzjoni mal-ACER u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, għandha tadotta deċiżjoni dwar jekk timmodifikax jew iżżommx il-konfigurazzjoni ta' żona tal-offerti fi u bejn dawk l-Istati Membri.

6.   Sitt xhur qabel l-iskadenza tal-pjan ta' azzjoni, l-Istat Membru b'konġestjoni strutturali identifikata għandu jiddeċiedi jekk jindirizzax il-konġestjoni li tjifdal billi jimmodifikaw iż-żona tal-offerti tiegħu jew jekk jindirizzax il-konġestjoni li jifdal li l-kostijiet tagħhom għandhom jkunu għak-kariku tagħhom.

7.   Fejn l-ebda pjan ta' azzjoni ma jkun ġie stabbilit fi żmien sitt xhur mill-identifikazzjoni ta' konġestjoni strutturali skont il-l-Artikolu 14(7), l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni rilevanti għandhom, fi żmien 12-il xahar wara tali identifikazzjoni ta' konġestjoni strutturali, jivvalutaw jekk il-kapaċità transżonali laħqitx il-kapaċità minima definita fl-Artikolu 16(8) matul it-12-il xahar preċeednti u għandhom jippreżentaw valutazzjoni ta' rapport lill-awtoritajiet regolatorji rilevanti u lill-ACER.

Qabel ma jabbozzaw ir-rapport, kull operatur tas-sistema ta' trażmissjoni għandu jibgħat il-kontribut tiegħu għar-rapport, inkluża kull data rilevanti, lill-awtorità regolatorji nazzjonali tiegħu għall-approvazzjoni. Fejn il-valutazzjoni turi li operatur tas-sistema ta' trażmissjoni ma kienx konformi mal-limiti minimi ta' kapaċità, għandu japplika l-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet stabbilit fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 16

Prinċipji ġenerali tal-allokazzjoni tal-kapaċità u tal-ġestjoni tal-konġestjoni

1.   Il-problemi dwar il-konġestjoni tan-netwerks għandhom jiġu indirizzati b'soluzzjonijiet mhux diskriminatorji bbażati fuq is-suq li jagħtu sinjali ekonomiċi effiċjenti lill-parteċipanti fis-suq u lill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni. Il-problemi dwar il-konġestjoni tan-netwerks għandhom jiġu riżolti permezz ta' metodi mhux ibbażati fuq tranżazzjonijiet, jiġifieri metodi li ma jinvolvux għażla minn fost il-kuntratti tal-parteċipanti individwali fis-suq. Meta jieħu miżuri operazzjonali biex jiżgura li s-sistemi ta' trażmissjoni tiegħu jibqgħu fi stat normali, l-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni għandu jqis l-effett ta' dawk il-miżuri fuq iż-żoni ġirien ta' kontroll u jikkoordina dawk il-miżuri ma' operaturi oħra affettwati tas-sistema ta' trażmissjoni kif previst fir-Regolament (UE) 2015/1222.

2.   Il-proċeduri li jillimitaw t-tranżazzjonijiet għandhom jintużaw biss f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza fejn l-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni huwa obbligat li jaġixxi malajr kemm jista' jkun u la d-dispaċċ mill-ġdid u lanqas l-iskambju kompensatorju ma jkunu possibbli. Kull proċedura bħal din għandha tkun applikata b'mod mhux diskriminatorju. Ħlief f'każijiet ta' forza maġġuri, il-parteċipanti fis-suq li jkunu allokati kapaċità għandhom ikunu kkumpensati għal kwalunkwe tnaqqis.

3.   Iċ-Ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jagħmlu kalkolu koordinat tal-kapaċità skont il-paragrafi 4 u 8 ta' dan l-Artikolu, kif previst fil-punt (a) tal-Artikolu 37(1)u fl-Artikolu 42(1).

Ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jikkalkolaw il-kapaċitajiet transżonali li jirrispettaw il-limiti tas-sigurtà operazzjonali bl-użu ta' data li ġejja mill-operaturi tas-sistema ta' tranżizzjoni inkluża d-data dwar d-disponibbiltà teknika ta' azzjonijiet ta' rimedju, għajr għal ċaħda tat-tagħbija. Fil-każijiet li ċ-Ċentri ta' Koordinazzjoni Reġjonali jikkonkludu li dawk l-azzjonijiet ta' rimedju kollha disponibbli fir-reġjun bil-kapaċità kalkolata jew bejn ir-reġjuni bil-kapaċità kalkolata mhumiex biżżejjed biex jintlaħaq it-trajettorja lineari skont l-Artikolu 15(2) jew il-kapaċitajiet minimi previsti fil-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu fir-rispett, fl-istess ħin, tal-limiti tas-sigurtà operazzjonali, jistgħu, bħala miżura tal-aħħar rikors, jiddefinixxi azzjonijiet koordinati li jnaqqsu l-kapaċitajiet transżonali f'dan is-sens. L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni jistgħu jiddevjaw mill-azzjonijiet koordinati fir-rigward tal-kalkolu koordinat tal-kapaċità u tal-analiżi koordinata tas-sigurtà biss skont l-Artikolu 42(2).

Sa 3 xhur wara d-dħul fis-seħħ taċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali skont l-Artikolu 35(2) ta' dan ir-Regolament u kull tliet xhur wara dan, iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jippreżentaw rapport lill-awtoritajiet regolatorji rilevanti u lill-ACER dwar kwalunkwe tnaqqis fil-kapaċità jew fid-devjazzjonijiet minn azzjonijiet kkoordinati skont it-tieni subparagrafu u għandhom jivvalutaw l-inċidenzi u jifformulaw rakkomandazzjonijiet, jekk neċessarji, dwar il-mod kif jiġu evitati tali devjazzjonijiet fil-futur. Jekk l-ACER tikkonkludi li l-prerekwiżiti għal devjazzjoni skont dan il-paragrafu m'humiex sodisfatti jew huma ta' natura strutturali, l-ACER għandha tippreżenta opinjoni lill-awtoritajiet regolatorji rilevanti u lill-Kummissjoni. L-awtoritajiet regolatorji kompetenti għandhom jieħdu azzjoni xierqa kontra l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni jew iċ-Ċentri ta' Koordinazzjoni Reġjonali skont l-Artikolu 59 jew 62 tad-Direttiva (UE) 2019/944 jekk il-prerekwiżiti għal devjazzjoni skont dan il-paragrafu ma jkunux ġew sodisfatti.

Id-devjazzjonijiet ta' natura strutturali għandhom ikunu indirizzati fi pjan ta' azzjoni skont l-Artikolu 14(7) jew f'aġġornament ta' pjan ta' azzjoni eżistenti.

4.   Il-livell massimu ta' kapaċità tal-interkonnessjonijiet u tan-netwerks ta' trażmissjoni affettwati mill-kapaċità transkonfinali għandhom ikunu disponibbli għall-parteċipanti fis-suq u li jikkonformaw mal-istandards ta' sikurezza tat-tħaddim sigur tan-netwerk. L-iskambju kompensatorju u d-dispaċċ mill-ġdid, li jinkludi d-dispaċċ mill-ġdid transkonfinali, għandhom jintużaw biex jimmassimizzaw l-kapaċitajiet disponibbli biex jintlaħqu l-limiti minimi ta' kapaċità skont il-paragrafu 8. Għandu jiġi applikat proċess koordinat u mhux diskriminatorju għal azzjonijiet ta' rimedju transkonfinali biex tali massimizzazzjoni tkun possibbli, wara l-implimentazzjoni tal-metodoloġija ta' qsim tal-kostijiet tad-dispaċċ mill-ġdid u l-iskambju kompensatorju.

5.   Il-kapaċità għandha tkun allokata permezz ta' rkanti tal-kapaċità espliċiti jew ta' rkanti impliċiti li jinkludu kemm il-kapaċità kif ukoll l-enerġija. Iż-żewġ metodi jistgħu jikkoeżistu fuq l-istess interkonnessjoni. Għall-kummerċ tal-istess ġurnata għandu jintuża l-kummerċ kontinwu, li jista' jiġi kkomplementat bl-irkanti.

6.   Fil-każ ta' konġestjoni, l-offerti validi bl-ogħla valur għall-kapaċità tan-netwerk, kemm jekk impliċiti kif ukoll jekk espliciti, li joffru l-ogħla valur għall-kapaċità skarsa ta' trażmissjoni f'perjodu ta' żmien partikolari, għandhom ikunu aċċettati. Ħlief fil-każ tal-interkonnetturi l-ġodda li jibbenefikaw minn eżenzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1228/2003, l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 jew l-Artikolu 63 ta' dan ir-Regolament, għandu jkun projbit l-istabbiliment ta' prezzijiet ta' riserva fil-metodi ta' allokazzjoni ta' kapaċità.

7.   Il-kapaċità għandha tkun kummerċjalizzata liberament fuq bażi sekondarja, dment li l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni jkunu infurmati biżżejjed minn qabel. Meta l-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni jiċħad kwalunkwe kummerċ sekondarju (tranżazzjoni), dan għandu jkun ikkomunikat u spjegat b'mod ċar u trasparenti lill-parteċipanti kollha fis-suq minn dak l-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni u għandu jiġi nnotifikat lill-awtorità regolatorja.

8.   L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni ma għandhomx jillimitaw il-volum tal-kapaċità ta' interkonnessjoni li jkun għad-dispożizzjoni ta' parteċipanti fis-suq bħala meżż biex tiġi solvuta l-konġestjoni fiż-żona tal-offerti tagħhom stess jew bħala mezz ta' ġestjoni tal-flussi li jirriżultaw mit-tranżazzjoni interna taż-żoni tal-offerti.Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-derogi skont il-paragrafu 3 u 9 ta' dan l-Artikolu u għall-applikazzjoni tal-Artikolu 15(2), dan il-paragrafu għandu jitqies li hemm konformità miegħu, jekk jintlaħqu dawn il-limiti minimi ta' kapaċità disponibbli għal kummerċ transżonali li ġejjin:

(a)

għall-fruntieri bl-użu ta' approċċ tal-kapaċità kkoordinata tat-trażmissjoni netta, il-kapaċità minima għandha tkun 70 % tal-kapaċità ta' trażmissjoni li tirrispetta l-limiti ta' sigurtà operazzjonali wara t-tnaqqis tal-kontinġenzi, iddeterminat skont il-linja gwida tal-allokazzjoni tal-kapaċità u tal-ġestjoni tal-konġestjoni adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 18(5) tar-Regolament (KE) 714/2009;

(b)

għall-fruntieri li jużaw approċċ abbażi tal-flussi, il-kapaċità minima għandha tkun marġni ffissat fil-proċess tal-kalkolu tal-kapaċità kif disponibbli għall-flussi indotti mill-iskambju transżonali. Il-marġni msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu għandu jkun 70 % tal-kapaċità li tirrispetta l-limiti ta' sigurtà operazzjonali tal-elementi interni u transżonali kritiċi tan-netwerk, b'kont meħud tal-kontinġenzi, iddeterminat skont l-allokazzjoni tal-kapaċità u tal-ġestjoni tal-konġestjoni adottata abbażi tal-Artikolu 18(5) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009.

L-ammont totali ta' 30 % jista' jintuża għall-marġnijiet ta' affidabbiltà, għall-flussi ta' enerġija paralleli (loop flows) u għall-flussi interni f'kull element kritiku tan-netwerk.

9.   Fuq talba mill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni ta' reġjun bil-kapaċità kalkolata, l-awtoritajiet regolatorji rilevanti jistgħu jagħtu deroga mill-paragrafu 8 għal raġunijiet prevedibbli, jekk neċessarja biex tinżamm is-sigurtà operazzjonali. Tali id-derogi, li m'għandhomx ikunu relatati mat-tnaqqis tal-kapaċitajiet diġà allokati skont il-paragrafu 2, għandhom jinagħtaw għal mhux iktar minn sena waħda kull darba, sakemm il-limitu tad-deroga jonqos b'mod sinifikanti wara l-ewwel sena, jew sa massimu ta' sentejn. Il-limitu ta' dawn id-derogi għandu,jkun strettament limitat għal dak neċessarju biex tinżamm is-sigurtà operattiva u għandhom jevitaw d-diskriminazzjoni bejn l-iskambji interni u transżonali.

Qabel tingħata deroga, l-awtorità regolatorja rilevanti għandha tikkonsulta mal-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri l-oħra li jifformaw parti mir-reġjun bil-kapaċità kalkolata affettwata. Fejn l-awtorità regolatorja ma taqbilx mad-deroga proposta, l-ACER għandha tiddeċiedi jekk għandhiex tingħata skont il-punt (a) tal-Artikolu 6(10) tar-Regolament (UE) 2019/942. Il-ġustifikazzjoni u r-raġunijiet għad-deroga għandhom jiġu ppubblikati.

Meta tingħata deroga, l-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni rilevanti għandhom jiżviluppaw u jippubblikaw metodoloġija u proġetti li għandhom jipprovdu soluzzjoni fuq terminu twil għall-kwistjoni li għandha tindirizza d-deroga. Id-deroga għandha tiskadi meta jintlaħaq il-limitu ta' żmien għad-deroga jew, kif tiġi applikata s-soluzzjoni, skont liema jiġi l-ewwel.

10.   Il-parteċipanti fis-suq għandhom jinfurmaw lill-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni kkonċernati f'perjodu ragonevoli qabel il-perjodu operazzjonali rilevanti jekk humiex beħsiebhom jużaw il-kapaċità allokata. Kull kapaċità li ma tkunx se tintuża għandha ssir disponibbli mill-ġdid fis-suq, f'mod miftuħ, trasparenti u mhux diskriminatorju.

11.   Sa fejn ikun teknikament possibbli, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jikkalkulaw il-valur nett tal-ħtiġijiet ta' kwalunkwe fluss ta' enerġija fid-direzzjoni opposta fuq il-linja ta' interkonnessjoni li jkollha konġestjoni sabiex jużaw din il-linja sal-kapaċità massima tagħha. B'kunsiderazzjoni sħiħa tas-sigurtà tan-netwerk it-tranżazzjonijiet li jtaffu l-konġestjoni, ma għandhomx jinċaħdu.

12.   Il-konsegwenzi finanzjarji ta' nuqqas li jiġu onorati l-obbligi assoċjati mal-allokazzjoni ta' kapaċità għandhom ikunu attribwiti lill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni jew in-NEMOs li jkunu responsabbli minn dan in-nuqqas. Meta l-parteċipanti fis-suq jonqsu milli jużaw il-kapaċità li jkunu impenjaw ruħhom li jużaw jew, fil-każ ta' kapaċità espliċitament irkantata, jonqsu milli jagħmlu kummerċ tal-kapaċita' fuq bażi sekondarja jew milli jagħtu l-kapaċità lura fiż-żmien dovut, dawk il-parteċipanti fis-suq għandhom jitilfu d-drittijiet għal din il-kapaċità u għandhom iħallsu imposta li tirrifletti l-kost. Kwalunkwe imposta li tirrifletti l-kost dovut talli ma ntużatx il-kapaċità, għandha tkun iġġustifikata u proporzjonata. Jekk operatur tas-sistema ta' trażmissjoni ma jissodisfax l-obbligi tiegħu li jipprovdi kapaċità ta' trażmissjoni fis-sod, dan għandu jkun responsabbli li jikkumpensa lill-parteċipant fis-suq għat-telf tad-drittijiet tal-kapaċità. Għal dak il-għan, ma għandu jitqies l-ebda telf konsegwenzjali. Il-kunċetti u l-metodi ewlenin għall-istabbiliment tar-responsabbiltajiet li jirriżultaw wara li ma jkunux ġew onorati l-obbligi, għandhom ikunu stabbiliti minn qabel skont il-konsegwenzi finanzjarji u għandhom ikunu soġġetti għal reviżjoni mill-awtorità regolatorja rilevanti.

13.   Meta jallokaw il-kostijiet ta' azzjonijiet ta' rimedju bejn l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni, l-awtoritajiet regolatorji għandhom janalizzaw sa liema punt il-flussi li jirriżultaw mit-tranżazzjonijiet interni taż-żoni tal-offerti jikkontribwixxu għall-konġestjoni bejn żewġ żoni tal-offerti osservati, u jallokaw il-kostijiet abbażi tal-kontribut lill-konġestjoni lill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni taż-żoni tal-offerti li jkunu qegħdin joħolqu tali flussi għajr għall-kostijiet indotti mill-flussi li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet interni taż-żoni tal-offerti li jinsabu taħt il-livell li jista' jkun mistenni mingħajr konġestjoni strutturali f'żona tal-offerti.

Dak il-livell għandu jkun analizzat u definit b'mod konġunt mill-operaturi tas-sistema ta' tranżizzjoni kollha ta' reġjun f'kapaċità kalkolata għal kull konfini taż-żona tal-offerti u, għandu jkun suġġett għall-approvazjoni tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kollha tar-reġjun bil-kapaċità kalkolata.

Artikolu 17

Allokazzjoni tal-kapaċità transżonali fil-perjodi kollha ta' żmien

1.   L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jikkalkulaw mill-ġdid il-kapaċità transżonali disponibbli mill-inqas wara l-ħin tal-għeluq tan-negozju tal-kapaċità transżonali tal-istess ġurnata u ta' ġurnata bil-quddiem. L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jallokaw il-kapaċità transżonali disponibbli flimkien ma' kwalunkwe kapaċità transżonali pendenti li ma tkunx ġiet allokata qabel u kwalunkwe kapaċità transżonali rilaxxata mid-detenturi tad-dritt fiżiku ta' trażmissjoni mill-allokazzjonijiet preċedenti fil-proċess ta' allokazzjoni tal-kapaċità transżonali li jmiss.

2.   L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jipproponu struttura adatta għall-allokazzjoni tal-kapaċità transżonali fil-perjodi kollha ta' żmien, inkluż dawk ta' ġurnata bil-quddiem, tal-istess ġurnata u tal-ibbilanċjar. Dik l-istruttura ta' allokazzjoni għandha tkun soġġetta għal reviżjoni mill-awtoritajiet regolatorji rilevanti. Fit-tfassil tal-proposti tagħhom, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jieħdu kont tas-segwenti:

(a)

il-karatteristiċi tas-swieq;

(b)

tal-kondizzjonijiet operattivi, tas-sistema tal-elettriku, bħall-implikazzjonijiet ta' nettjar ta' skedi speċifikati b'mod deċiżiv;

(c)

tal-livell ta' armonizzazzjoni tal-livell tal-perċentwali allokati lil perjodi differenti u l-perjodi adottati għall-mekkaniżmi diġà stabbiliti tal-allokazzjoni tal-kapaċità transżonali differenti.

3.   Meta l-kapaċità transżonali tkun disponibbli wara l-ħin tal-għeluq tan-negozju tal-kapaċità transżonali tal-istess ġurnata, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jużaw il-kapaċità transżonali għall-iskambju tal-enerġija ta' bbilanċjar jew għal-operzzjoni tal-proċess għan-nettjar tal-iżbilanċi.

4.   Meta l-kapaċità transżonali tkun allokata għall-iskambju ta' kapaċità tal-ibbilanċjar jew il-kondiviżjoni ta' riservi skont l-Artikolu6(8) ta' dan ir-Regolament, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jużaw il-metodoloġiji żviluppati fil-kodiċijiet tan-netwerk u fil-linji gwida dwar l-ibbilanċjar abbażi tal-Artikolu 6(11) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009.

5.   L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni ma għandhomx iżidu l-marġni ta' affidabbiltà kkalkulat skont ir-Regolament (UE) 2015/1222 minħabba l-iskambju tal-kapaċità ta' bbilanċjar jew il-kondiviżjoni tar-riservi.

TAQSIMA 2

Imposti tan-netwerk u introjtu mill-konġestjoni

Artikolu 18

Imposti għall-aċċess għan-netwerks, l-użu tan-netwerks u r-rinfurzar

1.   L-imposti applikati mill-operaturi tan-netwerks għall-aċċess għan-netwerks, inklużi l-imposti għall-konnessjoni man-netwerks, l-imposti għall-użu tan-netwerks u, fejn applikabbli, l-imposti għar-rinfurzar tan-netwerk, għandhom jirriflettu l-kostijiet, ikunu trasparenti, filwaqt li jqisu l-ħtieġa għas-sigurtà u l-flessibbltà tan-netwerk u jirriflettu l-kostijiet reali mġarrba sakemm jikkorrispondu għal dawk ta' operatur tan-netwerk effiċjenti u strutturalment komparabbli u jkunu applikati b'mod mhux diskriminatorju. Dawk l-imposti ma għandhomx jinkludu l-kostijiet mhux relatati li jappoġġaw objettivi politiċi mhux relatati.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 15(1) u (6) tad-Direttiva 2012/27/UE u l-kriterji fl-Anness XIta' dik id-Direttiva, il-metodu użat biex jiddetermina l-imposti tan-netwerk għandu jappoġġa b'mod newtrali l-effiċjenza kumplessiva tas-sistema fit-tul taż-żmien permezz ta' sinjali tal-prezzijiet lill-klijenti u lill-produtturi u b'mod partikolari għandu jiġi applikat b'mod li ma jiddiskriminax b'mod pożittiv jew b'mod negattiv bejn il-produzzjoni konnessa fil-livell ta' distribuzzjoni u l-produzzjoni konnessa fil-livell ta' trażmissjoni. L-imposti tan-netwerk l għandhom jiddiskrimnaw, kemm b'mod pożittiv kif ukoll b'mod negattiv, kontra l-ħżin tal-enerġija jew l-aggregazzjoni u lanqas ma għandhom joħolqu diżinċentivi għall-awtoġenerazzjoni u għall-awtokonsum jew għall-parteċipazzjoni fir-rispons tad-domanda. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, dawk l-imposti ma għandhomx ikunu relatati mad-distanza.

2.   Il-metodoloġiji tariffarji għandhom jirriflettu l-kostijiet fissi tal-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni u ta' distribuzzjoni u għandhom jipprovdu inċentivi xierqa lill-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni u operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni, kemm fuq żmien qasir kif ukoll fit-tul, sabiex, biex iżidu l-effiċjenzi, inkluża l-effiċjenza fl-enerġija, irawmu l-integrazzjoni tas-suq, is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, jappoġġaw l-investimenti effiċjenti, biex jappoġġjaw l-attivitajiet ta' riċerka relatati, u biex jiffaċilitaw l-innovazzjoni fl-interess tal-konsumatur f'oqsma bħal ma huma d-diġitalizzazzjoni, is-servizzi ta' flessibbiltà u l-interkonnessjoni..

3.   Fejn jixraq, il-livell tat-tariffi applikati lill-produtturi jew għall-konsumaturi finali, jew għat-tnejn għandu jipprovdi sinjali differenzjati skont il-lokalità fil-livell tal-Unjoni, u jqis l-ammont ta' telf u ta' konġestjoni tan-netwerk ikkawżat u l-kostijiet tal-investiment għall-infrastruttura.

4.   Meta jiġu stabbiliti l-imposti għall-aċċess għan-netwerk, għandu jittieħed kont ta' dawn li ġejjin:

(a)

pagamenti u dħul li jirriżultaw mill-mekkaniżmu ta' kumpens għal operatur tas-sistema ta' intertrażmissjoni;

(b)

pagamenti reali li saru u li ġew riċevuti kif ukoll pagamenti mistennija għal perjodi futuri, stmati abbażi tal-perjodi preċedenti.

5.   L-iffissar tal-imposti għall-aċċess għan-netwerks taħt dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-imposti li jirriżultaw mill-ġestjoni tal-konġestjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 16.

6.   Ma għandu jkun hemm l-ebda imposta tan-netwerk speċifika fuq tranżazzjonijiet individwali għall-kummerċ transżonali tal-elettriku.

7.   It-tariffi ta' distribuzzjoni għandhom jirriflettu l-kost filwaqt li jqisu l-użu tan-netwerk ta' distribuzzjoni mill-utenti tas-sistema inklużi l-klijenti attivi. It-tariffi ta' distribuzzjoni jista' jkun fihom elementi ta' kapaċità ta' konnessjoni ta' netwerk u jistgħu jkunu differenzjati abbażi tal-profili ta' konsum jew ta' ġenerazzjoni tal-utenti tas-sistema.. Fejn l-Istati Membri jkunu implimentaw l-użu ta' sistemi ta' kejl intelliġentiawtoritajiet regolatorji għandhom iqisu tariffi tan-netwerk differenzjati skont il-ħin meta jiffissaw jew japprovaw tariffi ta' trażmissjoni u tariffi ta' distribuzzjoni jew il-metodoloġiji tagħhom skont l-Artikolu 59(7) tad-Direttiva (UE) 2019/944 u, fejn xieraq, tariffi tan-netwerk differenzjati fil-ħin jistgħu jiġu introdotti biex jirriflettu l-użu tan-netwerk, b'mod trasparenti, effiċjenti f'termini tal-kostijiet u prevedibbli. għall-klijent finaliu prevedibbli.

8.   Il-metodoloġiji tariffarji tad-distribuzzjoni għandhom jipprovdu inċentivi lill-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni għat-tħaddim u l-iżvilupp l-aktar effiċjenti f'termini tal-kostijiet tan-netwerks tagħhom anki permezz tas-servizzi ta' akkwist. Għal dak l-għan, l-awtoritajiet regolatorji għandhom jirrikonoxxu l-kostijiet rilevanti bħala eliġibbli għandhom jinkludu dawk il-kostijiet fit-tariffi ta' distribuzzjoni, u jistgħu jintroduċu miri ta' prestazzjoni sabiex jipprovdu inċentivi lill-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni biex iżidu l-effiċjenzi fin-netwerks tagħhom, inkluż permezz ta' effiċjenza fl-enerġija, flessibbiltà u l-iżvilupp ta' grilji intelliġenti u sistemi ta' kejl intelliġenti.

9.   Sal-5 ta' Ottubru 2019, sabiex ittaffi r-riskju ta' frammentazzjoni tas-suq, l-ACER għandha tipprovdi rapport dwar l-aħjar prattika fir-rigward tal-metodoloġiji tariffarji ta' distribuzzjoni u ta' trażmissjoni filwaqt li tqis l-ispeċifiċitajiet nazzjonali. Dak ir-rapport dwar l-aħjar prattiki għandu mill-inqas jindirizza:

(a)

il-proporzjon tat-tariffi applikati għall-produtturi u tariffi applikati għall-klijenti aħħarija;

(b)

il-kostijiet li jridu jiġu rkuprati mit-tariffi;

(c)

it-tariffi tan-netwerk differenzjati skont il-ħin;

(d)

is-sinjali differenzjati skont il-lokalità;

(e)

ir-relazzjoni bejn it-tariffi ta' trażmissjoni u t-tariffi ta' distribuzzjoni;

(f)

il-metodi biex jiżguraw it-trasparenza fl-iffissar u fl-istruttura tat-tariffi;

(g)

il-gruppi tal-utenti tan-netwerk soġġetti għat-tariffi inklużi, meta applikabbli, il-karatteristiċi ta' dawk il-gruppi, il-forom ta' konsum u kwalunkwe eżenzjoni mit-tariffi;

(h)

it-telf fil-grilji ta' vultaġġ għoli, medju u baxx.

L-Aġenzija għandha taġġorna r-rapport dwar l-aħjar prattika mill-inqas darba kull sentejn.

10.   L-awtoritajiet regolatorji għandhom iqis b'mod debitu r-rapport dwar l-aħjar prattika meta jiffissaw jew japprovaw tariffi ta' trażmissjoni jew distribuzzjoni jew il-metodoloġiji tagħhom skont l-Artikolu59 tad-Direttiva (UE) 2019/944.

Artikolu 19

Introjtu mill-konġestjoni

1.   Il-proċeduri ta' ġestjoni tal-konġestjoni assoċjati ma' perjodu ta' żmien speċifikat minn qabel jistgħu jiġġeneraw dħul biss f'każ ta' konġestjoni li tirriżulta minn dak il-perjodu ta' żmien, ħlief fil-każ ta' interkonnetturi ġodda li jibbenefikaw minn eżenzjoni taħt l-Artikolu 63 ta' dan ir-Regolament, l-Artikolu 17 tad- Ir-Regolament (KE) Nru 714/2009 jew l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1228/2003.. Il-proċedura għad-distribuzzjoni ta' dan id-dħul għandha tkun soġġetta għal reviżjoni mill-awtoritajiet regolatorji u la għandha tfixkel il-proċess ta' allokazzjoni favur kwalunkwe parti li teħtieġ il-kapaċità jew l-enerġija u lanqas ma tipprovdi diżinċentiv biex titnaqqas il-konġestjoni.

2.   L-għanijiet li ġejjin għandu jkollhom prijorità fir-rigward tal-allokazzjoni ta' kwalunkwe dħul li jirriżulta mill-allokazzjoni ta' kapaċità transżonali:

(a)

biex jiggarantixxi d-disponibbilità reali tal-kapaċità allokata inkluż il-kumpens għaċ-ċertezza; jew

(b)

biex iżomm jew iżid il-kapaċitajiet transżonali permezz tal-ottimizzazzjoni tal-użu tal-interkonnetturi eżistenti permezz ta' azzjonijiet ta' rimedju koordinati, meta applikabbli; jew biex ikopri l-kostijiet li jirriżultaw mill-investimenti fin-netwerks li huma rilevanti biex tonqos il-konġestjoni tal-interkonnettur.

3.   Meta l-objettivi ta' prijorità stabbiliti fil-paragrafu 2 ikunu ġew sodisfatti b'mod adegwat, id-dħul jista' jintuża bħala introjtu li għandu jitqies mill-awtoritajiet regolatorji huma u japprovaw il-metodoloġija għall-kalkolu tat-tariffi tan-netwerk jew għall-iffissar tat-tariffi tan-netwerk, jew it-tnejn.. Id-dħul li jkun jifdal għandu jitqiegħed f'linja ta' kont intern separat sakemm jasal iż-żmien li jista' jintefaq għall-iskopijiet stabbilit fil-paragrafu 2.

4.   L-użu tad-dħul skont il-punti (a) jew (b) tal-paragrafu 2 għandu jkun soġġett għall-metodoloġija proposta mill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni wara li jikkonsultaw l-awtoritajiet regolatorji u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti u wara l-approvazzjoni millACER. L-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni għandhom iressqu l-metodoloġija proposta lill-Aġenzija sal-5 ta' Lulju 2020 u l- ACER għandha tiddeċiedi dwar il-metodoloġija proposta fi żmien sitt xhur minn meta tirċeviha.

L-ACER tista' titlob lill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni biex jemendaw jew jaġġornaw il-metodoloġija msemmija fl-ewwel subparagrafu. L-Aġenzija għandha tiddeċiedi dwar l-metodoloġija emendata jew aġġornata sa mhux aktar tard minn sitt xhur wara li jkun ġiet mressqa.

Il-metodoloġija għandha tistabbilixxi għall-inqas il-kundizzjonijiet li taħthom id-dħul jista 'jintuża għall-għanijiet imsemmija fil-paragrafu 2, il-kundizzjonijiet li taħthom dak id-dħul jista' jitqiegħed fuq linja separata ta' kont intern għal użu futur għal dawk l-għanijiet, u għal kemm dak id-dħul jista' jitqiegħed fuq linja ta' kont bħal dan.

5.   L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jistabbilixxu, minn quddiem, biċ-ċar kif se jintuża kull introjtu mill-konġestjoni, u għandhom jirrappurtaw dwar l-użu reali ta' dak l-introjtu. Sal-1 ta' Marzu ta' kull sena, l-awtoritajiet regolatorji għandhom jinformaw lill-ACER u għandhomjippubblikaw rapport li juri:

(a)

l-ammont ta' dħul miġbur għall-perjodu ta' 12-il xahar li jispiċċa fil-31 ta' Diċembru tas-sena preċedenti;

(b)

kif intuża dak id-dħul skont il-paragrafu 2, inklużi l-proġetti speċifiċi li għalihom intuża l-introjtu, u l-ammont imqiegħed fuq linja ta' kont separata;

(c)

l-ammont li ntuża fil-kalkolu tat-tariffi tan-netwerk; u

(d)

l-verifika li l-ammont msemmi fil-punt (c) jikkonforma ma' dan ir-Regolament u mal-metodoloġija żviluppata skont il-paragrafi 3 u 4.

Meta xi dħul tal-konġestjoni jintuża meta jkunu qed jiġu kkalkulati t-tariffi tan-netwerk, ir-rapport għandu jistabbilixxi kif l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni issodisfaw l-objettivi ta' prijorità fl-Artikolu 2 fejn applikabbli.

KAPITOLU IV

ADEGWATEZZA TAR-RIŻORSI

Artikolu 20

Adegwatezza tar-riżorsi fis-suq intern għall-elettriku

1.   L-Istati Membri għandhom jissorveljaw l-adegwatezza tar-riżorsi fit-territorju tagħhom abbażi tal-valutazzjoni Ewropea dwar l-adegwatezza tar-riżorsi msemmija fl-Artikolu 23. Għall-fini li jikkumplimentaw l-valutazzjoni Ewropea dwar l-adegwatezza tar-riżorsi, l-Istati Membri jistgħu jwettqu wkoll valutazzjonijiet nazzjonali dwar adegwatezza tar-riżorsi skont l-Artikolu 24.

2.   Meta l-valutazzjoni Ewropea dwar l-adegwatezza tar-riżorsi msemmija fl-Artikolu 23 jew l-valutazzjoni nazzjonali dwar l-adegwatezza tar-riżorsi msemmija fl-Artikolu 24 tidentifika tħassib għall-adegwatezza tar-riżorsi, l l-Istat Membru kkonċernat għandu jidentifika kwalunkwe distorsjoni regolatorja jew falliment tas-suq li kkawża jew ikkontribwixxa fil-ħolqien ta' dak it-tħassib.

3.   L-Istati Membri bi tħassib identifikat f'termini ta' adegwatezza tar-riżorsi għandhom jiżviluppaw u jippubblikaw pjan ta' implimentazzjoni flimkien ma' kalendarju għall-miżuri li jadottaw biex jeliminaw kwalunkwe distorsjoni regolatorja u/jew falliment tas-suq identifikat(a) bħala parti mill-proċess tal-għajnuna mill-Istat. Meta jindirizzaw it-tħassib għall-adegwatezza tar-riżorsi, l-Istati Membri għandhom iqisu b'mod partikolari l-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 3 u għandhom iqisu:

(a)

li jeliminaw id-distorsjonijiet regolatorji;

(b)

li jeliminaw il-limiti tal-prezz skont l-Artikolu 10;

(c)

li jintroduċu funzjoni ta' pprezzar f'każ ta' nuqqas għall-enerġija ta' bbilanċjar kif imsemmi fl-Artikolu 44(3) tar-Regolament 2017/2195;

(d)

li jżidu l-kapaċità tal-interkonnessjonijiet u tal-grilja interna bil-għan li jintlaħqu mill-anqas il-miri tagħha ta' interkonnessjoni kif imsemmi fil-punt (d)(1) tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2018/1999;

(e)

li jippermettu l-awtoġenerazzjoni, il-ħżin tal-enerġija, il-miżuri min-naħa tad-domanda u l-effiċjenza fl-enerġija bl-adozzjoni ta' miżuri maħsuba biex jeliminaw kwalunkwe distorsjoni regolatorja identifikata;

(f)

li jiżguraw l-akkwist effiċjenti f'termini tal-kostijiet u bbażat fuq is-suq ta' servizzi ta' bbilanċjar u anċillari;

(g)

li jeliminaw il-prezzijiet regolati meta meħtieġa mill-Artikolu 5 tad-Direttiva (UE) 2019/944.

4.   L-Istati Membri kkonċernati għandhom jippreżentaw il-pjan ta' implimentazzjoni tagħhom lill-Kummissjoni għal rieżami.

5.   Fi żmien erba'xhur minn meta tirċievi l-pjan ta' implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha toħroġ opinjoni dwarjekk il-miżuri humiex suffiċjenti biex jiġu eliminati d-distorsjonijiet regolatorji jew il-fallimenti tas-suq li ġew identifikati skond il-paragrafu 2, u tista' tistieden lill-Istati Membri biex jemendaw l-pjanijiet ta' implimentazzjoni tagħhom skond dan.

6.   L-Istati Membri kkonċernati għandhom jimmonitorjaw l-applikazzjoni tal-pjan ta' implimentazzjoni u għandhom jippubblikaw ir-riżultati tal-monitoraġġ f'rapport annwali u għandhom jissottomettu dak ir-rapport lill-Kummissjoni.

7.   Il-Kummissjoni għandha toħroġ opinjoni dwar jekk il-pjanijiet ta' implimentazzjoni ġewx implimentati b'mod suffiċjenti u jekk it-tħassib dwar l-adegwatezza tar-riżorsi ġiex solvut.

8.   L-Istati Membri għandhom ikomplu jżommu mal-pjan ta' implimentazzjoni wara it-tħassib identifikat dwar l-adegwatezza tar-riżorsi jkun ġie solvut.

Artikolu 21

Prinċipji ġenerali għall-mekkaniżmi ta' kapaċità

1.   Sabiex jeliminaw t-tħassib li jidfal dwar l-adegwatezza tar-riżorsi, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu mekkaniżmi ta' kapaċità, bħala mezz tal-aħħar rikors u waqt li jimplimentaw il-miżuri msemmija fl- Artikolu 20(3) ta' dan ir-Regolament f'konformita' mar-regoli tal-Unjoni fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat.

2.   Qabel ma jintroduċu mekkaniżmi ta' kapaċità, l-Istati Membri kkonċernati għandhom iwettqu studju komprensiv dwar l-effetti possibbli ta' tali mekkaniżmi fuq l-Istati Membri ġirien tagħhom billi jikkonsultaw tal-anqas lill-Istati Membri ġirien tagħhom li magħhom għandhom konnessjoni tan-netwerk diretta u lill-partijiet ikkonċernati ta' dawk l-Istati Membri.

3.   L-Istati Membri għandhom jivvalutaw jekk mekkaniżmu ta' kapaċità fil-forma ta' riserva strateġika huwiex kapaċi jindirizza t-tħassib dwar l-adegwatezza tar-riżorsi. Fejn dan ma jkunx il-każ, l-Istati Membri jistgħu jimplimentaw tip differenti ta' mekkaniżmu ta' kapaċità.

4.   L-Istati Membri ma għandhomx jintroduċu mekkaniżmi ta' kapaċità fejn kemm il-valutazzjoni tal-adegwatezza tar-riżorsi Ewropea kif ukoll il-valutazzjonijiet tal-adegwatezza tar-riżorsi nazzjonali jew fl-assenza ta' valutazzjoni tal-adegwatezza tar-riżorsi nazzjonali, il-valutazzjoni tal-adegwatezza tar-riżorsi Ewropea ma identifikawx/identifikatx tħassib relatati mal-adegwatezza tar-riżorsi.

5.   L-Istati Membri ma għandhomx jintroduċu mekkaniżmi ta' kapaċità qabel ma l-pjan ta' implimentazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 20(3) ikun irċieva opinjoni mill-Kummissjoni kif imsemmi fl-Artikolu 20(5).

6.   Meta Stat Membru japplika mekkaniżmu ta' kapaċità, huwa għandu jirrevedi dak il-mekkaniżmu ta' kapaċità u għandu jiżgura li ebda kuntratt ġdid ma jiġi konkluż taħt dak il-mekkaniżmu fejn kemm il-valutazzjoni tal-adegwatezza tar-riżorsi Ewropea kif ukoll il-valutazzjoni tal-adegwatezza tar-riżorsi nazzjonali, jew fl-assenza ta' valutazzjoni tal-adegwatezza tar-riżorsi nazzjonali, il-valutazzjoni tal-adegwatezza tar-riżorsi Ewropea ma identifikaw tħassib relatati mal-adegwatezza tar-riżorsi jew il-pjan ta' implimentazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 20(3) ma jkunx irċieva opinjoni mill-Kummissjoni kif imsemmi fl-Artikolu 20(5).

7.   Meta jitfasslu l-mekkaniżmi ta' kapaċità, l-Istati Membri għandhom jinkludu dispożizzjoni li tippermetti l-eliminazzjoni gradwali amministrattiva effiċjenti tal-mekkaniżmu ta' kapaċità fejn l-ebda kuntratt ġdid ma jkun ġie konkluż skont il-paragrafu 6 matul tliet snin konsekuttivi.

8.   Il-mekkaniżmi ta' kapaċità għandhom jiġu approvati mill-Kummissjoni għal mhux aktar minn 10 snin. Għandhom jiġu eliminati gradwalment jew l-ammont tal-kapaċitajiet impenjati għandu jitnaqqas abbażi tal- pjanijiet ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 20. L-Istati Membri għandhom ikomplu japplikaw il-pjan ta' implimentazzjoni wara l-introduzzjoni tal-mekkaniżmu ta' kapaċità.

Artikolu 22

Prinċipji ta' tfassil għall-mekkaniżmi ta' kapaċità

1.   Kull mekkaniżmu ta' kapaċità:

(a)

għandu jkun temporanju;

(b)

ma għandux joħloq distorsjonijiet tas-suq bla bżonn u jillimita l-kummerċ transżonali;

(c)

ma għandux imur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jiġi indirizzat it-tħassib dwar l-adegwatezza msemmi fl-Artikolu 20;

(d)

għandu jagħżel fornituri ta' kapaċità permezz ta' proċess trasparenti, mhux diskriminatorju u kompetittiv;

(e)

għandu jipprovdi inċentivi biex il- jkunu disponibbli fi żminijiet ta' stress mistenni fuq is-sistema;

(f)

għandu jiżgura li r-remunerazzjoni tiġi ddeterminata permezz ta' proċess kompetittiv;

(g)

għandu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tekniċi għall-parteċipazzjoni ta' fornituri ta' kapaċità qabel il-proċedura ta' selezzjoni;

(h)

għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni tar-riżorsi kollha li huma kapaċi jipprovdu l-prestazzjoni teknika meħtieġa, inklużi l-ħżin tal-enerġija u l-ġestjoni tad-domanda.

(i)

għandu japplika penali xierqa lill-fornituri ta' kapaċità li ma jkunux disponibbli fi żminijiet ta' stress tas-sistema.

2.   It-tfassil tar-riservi strateġiċi għandu jissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

fejn mekkaniżmu ta' kapaċità ġie mfassal bħala riserva strateġika, ir-riżorsi tiegħu jridu jintbagħtu biss jekk l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni x'aktarx li jeżawrixxu r-riżorsi ta' bbilanċjar tagħhom biex jistabbilixxu ekwilibriju bejn id-domanda u l-provvista;

(b)

matul il-perjodi ta' saldu tal-iżbilanċ meta sar id-dispaċċ tar-riżorsi fir-riserva strateġija, l-iżbilanċi fis-suq għandhom jiġu saldati mill-anqas bil-valur tat-tagħbija mitlufa jew b'valur ogħla mil-limitu tal-prezz tekniku tal-istess ġurnata kif imsemmi fl-Artikolu 10(1), skont liema minnhom huwa l-ogħla;

(c)

l-output tar-riserva strateġika wara d-dispaċċ għandu jiġi attribwit lill-partijiet responsabbli għall-bilanċ permezz tal-mekkaniżmu ta' saldu tal-iżbilanċ.

(d)

ir-riżorsi li jieħdu sehem fir-riserva strateġika ma għandhomx jirċievu remunerazzjoni mis- swieq tal-elettriku bl-ingrossa jew mis-swieq tal-ibbilanċjar.

(e)

ir-riżorsi fir-riserva strateġika għandhom jinżammu barra mis-suq mill-anqas għal kemm idum il-perjodu kuntrattwali.

Ir-rekwiżit imsemmi fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-attivazzjoni tar-riżorsi qabel id-dispaċċ effettiv sabiex jiġu rrispettati l-limitazzjonijiet tar-ramping u r-rekwiżiti operattivi tar-riżorsi ta' kalar u r-rekwiżiti operazzjonali tagħhom. L-output tar-riserva strateġika matul l-attivazzjoni ma għandhiex tkun attribwita lill-grupp ta' bbilanċjar permezz tas-swieq bl-ingrossa u ma għandiex tibdel l-iżbilanċi tagħhom.

3.   Minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1, il-mekkaniżmi ta' kapaċità differenti mir-riservi strateġiċi għandhom

(a)

ikunu mibnija b'tali mod li jiżguraw li l-prezz imħallas għad-disponibbiltà awtomatikament ixaqleb lejn żero meta l-livell ta' kapaċità fornut ikun mistenni li jkun biżżejjed biex ilaħħaq mal-livell ta' kapaċità mitlub;

(b)

jirremuneraw ir-riżorsi parteċipattivi biss għad-disponibbiltà tagħhom u jiżguraw li r-remunerazzjoni ma taffettwax deċiżjonijiet tal-fornitur ta' kapaċità dwar jekk jiġġenerax jew le;

(c)

jiżguraw li l-obbligi ta' kapaċità jkunu trasferibbli bejn il-fornituri ta' kapaċità eliġibbli.

4.   Il-mekkaniżmi ta' kapaċità għandhom jinkorporaw ir-rekwiżiti li ġejjin fir-rigward tal-limiti tal-emissjonijiet tas-CO2:

(a)

mill-4 ta' Lulju 2019 l-aktar tard, il-kapaċità ta' ġenerazzjoni li bdiet il-produzzjoni kummerċjali f'dik id-data jew wara u li tarmi aktar minn 550 gr ta' CO2 li joriġina mill-karburant fossili għal kull kWh ta' elettriku m'għandhiex tkun impenjata jew tirċievi pagamenti jew impenji għal pagamenti futuri taħt mekkaniżmu ta' kapaċità;

(b)

mill-1 ta' Lulju 2025 l-aktar tard, il-kapaċità ta' ġenerazzjoni li bdiet il-produzzjoni kummerċjali qabel l-4 ta' Lulju 2019 u li tarmi aktar minn 550 g ta' CO2 li joriġina mill-karburant fossili għal kull kWh ta' elettriku u aktar minn 350 kg CO2 li joriġina mill-karburant fossili bħala medja fis-sena għal kull kW m'għandhiex tkun impenjata jew tirċievi pagamenti jew impenji għal pagamenti futuri taħt mekkaniżmu ta' kapaċità.

Il-limitu tal-emissjonijiet ta' 550 gr CO2/kWh oriġinarji ta' karburant fossili għal kull kWh ta' elettriku u l-limitu ta' 350 kg CO2 li joriġina minn karburant fossili bħala medja fis-sena għal kull kW installat imsemmi fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu għandu jiġi ikkalkolat abbażi tal-effiċjenza tat-tfassil tal-unità ta' ġenerazzjoni f'kapaċità nominali taħt l-istandards rilevanti pprovduti mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni.

Sal-5 ta' Jannar 2020, l-ACER għandha tippubblika opinjoni li tagħti gwida teknika relatat mal-kalkolu tal-valuri msemmija fl-ewwel subparagrafu.

5.   L-Istati Membri li japplikaw il-mekkaniżmi ta' kapaċità fl-4 ta' Lulju 2019 għandhom jadattaw il-mekkaniżmi tagħhom biex jikkonformaw mal-Kapitolu 4 mingħajr preġudizzju għall-impenji jew għall-kuntratti, konklużi sal-31 ta' Diċembru 2019.

Artikolu 23

Valutazzjoni Ewropea dwar l-adegwatezza tar-riżorsi

1.   Il-valutazzjoni Ewropea tal-adegwatezza tar-riżorsi għandha tidentifika t-tħassib relatat mal-adegwatezza tar-riżorsi billi tivvaluta l-adegwatezza ġenerali tas-sistema tal-elettriku biex jissodisfa d-domandi attwali u projettati għall-elettriku fil-livell tal-Unjoni, fil-livell tal-Istati Membri, u fil-livell ta' żoni individwali ta' offerti, fejn rilevanti. Il-valutazzjoni Ewropea tal-adegwatezza tar-riżorsi għandha tkopri kull sena matul perjodu ta'10 snin mid-data ta' dik il-valutazzjoni.

2.   Il-valutazzjoni Ewropea tar-riżorsi għandha titwettaq mill-ENTSO tal-Elettriku.

3.   Sal-5 ta' Jannar 2020, l-ENTSO għall-Elettriku għandu jippreżenta lill-Grupp għall-Koordinazzjoni tal-Elettriku stabbilit skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta 'Novembru 2012 (21) u l- ACER abbozz tal-metodoloġija għall-valutazzjoni Ewropea tal-adegwatezza tar-riżorsi bbażat fuq il-prinċipji previsti fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu.

4.   L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jipprovdu lill-ENTSO għall-Elettriku d-data meħtieġa biex iwettaq il-valutazzjoni Ewropea dwar l-adegwatezza tar-riżorsi.

L-ENTSO għall-Elettriku għandu jwettaq il-valutazzjoni Ewropea tal-adegwatezza tar-riżorsi fuq bażi annwali. Il-produtturi u parteċipanti oħra fis-suq għandhom jipprovdu lill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni d-data rigward l-użu mistenni tar-riżorsi ta' ġenerazzjoni, filwaqt li jqisu id-disponibbiltà ta' riżorsi primarji u xenarji adatti tal-projezzjoni tad-domanda u tal-offerta.

5.   Il-valutazzjoni Ewropea dwar l-adegwatezza tar-riżorsi għandha tkun ibbażata fuq metodoloġija trasparenti li għandha tiżgura li l-valutazzjoni:

(a)

titwettaq f'kull livell taż-żona tal-offerti li jkopri mill-inqas l-Istati Membri kollha;

(b)

tkun ibbażata fuq xenarji ta' riferiment ċentrali xierqa ta' projezzjonijiet tad-domanda u tal-offerta inkluża valutazzjoni ekonomika tal-probabbiltà ta' rtirar, ta' sospensjoni temporanja, ta' ħolqien ġdid tal-assi ta' ġenerazzjoni u ta' miżuri biex jinkisbu l-miri tal-effiċjenza fl-enerġija u tal-interkonnessjoni tal-elettriku u aspetti sensittivi xierqa dwar il-fenomeni meteoroloġiċi estremi, il-kundizzjonijiet idroloġiċi, il-prezzijiet bl-ingrossa u l-iżviluppi fil-prezzijiet tal-karbonju;

(c)

ikun fiha xenarji separati li jirriflettu l-probabbiltajiet differenti tal-okkorrenza tat-tħassib dwar l-adegwatezza tar-riżorsi li d-diversi tipi ta' mekkaniżmi ta' kapaċità huma mfassla biex jindirizzaw;

(d)

tqis b'mod xieraq il-kontribut tar-riżorsi kollha inkluż il-possibilitajiet eżistenti u futuri għall-ġenerazzjoni, il-ħżin tal-enerġija, l-integrazzjoni settorjali, ir-rispons tad-domanda u ta' importazzjoni u ta' esportazzjoni u l-kontribut tagħhom għat-tħaddim flessibbli tas-sistema

(e)

tantiċipa l-impatt probabbli tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 20(3);

(f)

tinkludi varjanti mingħajr b'mekkaniżmi ta' kapaċità eżistenti jew ippjanati, u fejn applikabbli, varjanti b' tali mekkaniżmi;

(g)

tkun ibbażata fuq mudell tas-suq li, juża l-approċċ ibbażat fuq il-fluss, fejn applikabbli;

(h)

tapplika kalkoli probabilistiċi;

(i)

tapplika għodda ta' mmudellar unika;

(j)

tinklodi mill-inqas l-indikaturi li ġejjin imsemmija fl-Artikolu 25:

“l-enerġija mbassra mhux ipprovduta”, u

“tbassir tat-telf tat-tagħbija”;

(k)

tidentifika s-sorsi ta' tħassib possibbli ta' adegwatezza tar-riżorsi, tindika b'mod partikolari jekk ikunx ostakolu tan-netwerk jew ostakolu tar-riżorsi, jew tat-tnejn li huma;

(l)

tqis l-iżvilupp tan-netwerk reali;

(m)

tiżgura li l-karatteristiċi nazzjonali tal-ġenerazzjoni, il-flessibbiltà tad-domanda u l-ħżin tal-enerġija, id-disponibbiltà ta' riżorsi primarji u l-livell ta' interkonnessjoni jkun ittieħed kont tajjeb tagħhom.

6.   Sal-5 ta' Jannar 2020, l-ENTSO għall-Elettriku għandu jippreżenta lill-ACER abbozz tal-metodoloġija għall-kalkolu:

(a)

tal-valur tat-tagħbija mitlufa;

(b)

tal-“kost tal-entrata l-ġdida” għall-ġenerazzjoni jew għar-rispons tad-domanda; u

(c)

tal-istandard ta' affidabbiltà msemmi fl-Artikolu 25.

Il-metodoloġija għandha tkun ibbażata fuq kriterji trasparenti, oġġettivi u verifikabbli.

7.   Il-proposti skont il-paragrafi 3 u 6 għall-abbozz tal-metodoloġija, ix-xenarji, l-aspetti sensittivi u s-suppożizzjonijiet li fuqhom ikunu bbażati, u r-riżultati tal-valutazzjoni Ewropea dwar l-adegwatezza tar-riżorsi skont il-paragrafu 4 għandhom ikunu soġġetti għal konsultazzjoni minn qabel mal-Istati Membri, mal-Grupp għall-Koordinazzjoni tal-Elettriku u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti u approvazzjoni tal-ACER, skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 27.

Artikolu 24

Valutazzjonijiet nazzjonali dwar l-adegwatezza tar-riżorsi

1.   Il-valutazzjonijiet nazzjonali tal-adegwatezza tar-riżorsi għandu jkollhom ambitu reġjonali u għandhom ikunu bbażati fuq il-metodoloġija msemmija fl-Artikolu 23(3) b'mod partikolari fil-punti (b) sa (m) tal-Artikolu 23(5).

Il-valutazzjonijiet nazzjonali dwar l-adegwatezza tar-riżorsi għandu jkun fihom ix-xenarji ta' riferiment ċentrali kif imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 23(5).

Il-valutazzjonijiet nazzjonali tal-adegwatezza tar-riżorsi jistgħu jqisu sensitivitajiet addizzjonali għal dawk imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 23(5). F'tali każijiet, il-valutazzjonijiet nazzjonali dwar l-adegwatezza tar-riżorsi jistgħu: -

(a)

jagħmlu suppożizzjonijiet li jqisu l-partikolaritajiet tad-domanda u tal-provvista nazzjonali tal-elettriku;

(b)

jużaw strumenti komplementari u data reċenti li huma konsistenti li jkunu kumplimentari għal dawk użati mill-ENTSO għall-Elettriku għall-valutazzjoni Ewropea dwar l-adegwatezza tar-riżorsi.

Barra minn hekk, il-valutazzjonijiet nazzjonali tal-adegwatezza tar-riżorsi fl-evalwazzjoni tal-kontribut tal-fornituri tal-kapaċità li jinsabu fi Stat Membru ieħor għas-sigurtà tal-provvista taż-żoni tal-offerti li huma jkopru, għandhom jużaw il-metodoloġija kif prevista fl-Artikolu 26(11).

2.   Il-valutazzjonijiet nazzjonali tal-adegwatezza tar-riżorsi u, fejn applikabbli, il-valutazzjoni Ewropea tal-adegwatezza tar-riżorsi u l-opinjoni tal-ACER skont il-paragrafu 3 għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku.

3.   Meta l-valutazzjoni nazzjonali tal-adegwatezza tar-riżorsi tidentifika tħassib dwar l-adegwatezza rigward żona tal-offerti li ma ġiex identifikat fil-valutazzjoni Ewropea tal-adegwatezza tar-riżorsi l-valutazzjoni nazzjonali tal-adegwatezza tar-riżorsi għandha tinkludi r-raġunijiet għadi-diverġenza bejn iż-żewġ valutazzjonijiet tal-adegwatezza tar-riżorsi, inklużi d-dettalji tal-aspetti sensittivi użati u s-suppożizzjonijiet sottostanti. L-Istati Membri għandhom jippubblikaw dik il-valutazzjoni u jibagħtuh lill-Aġenzija.

Fi żmien xahrejn mid-data ta' preżentazzjoni tar-rapport, l-ACER għandha tipprovdi opinjoni dwar jekk id-differenzi bejn il-valutazzjoni nazzjonali tal-adegwatezza tar-riżorsi u l-valutazzjoni Ewropej tal-adegwatezza tar-riżorsi humiex ġustifikati

Il-korp li huwa responsabbli għall-valutazzjoni nazzjonali tal-adegwatezza tar-riżorsi għandu jqis l-opinjoni tal-ACER, u fejn meħtieġ għandu jemenda l-valutazzjoni tiegħu. Fejn jiddeċiedi li ma jqisx b'mod sħiħ l-opinjoni tal-ACER, il-korp responsabbli għall-valutazzjoni nazzjonali tal-adegwatezza tar-riżorsi għandu jippubblika rapport b'raġunijiet dettaljati.

Artikolu 25

Standard ta' affidabbiltà

1.   Meta japplikaw il-mekkaniżmi ta' kapaċità, l-Istati Membri għandu jkollhom fis-seħħ standard ta' affidabbiltà. Standard ta' affidabbiltà għandu jindika b'mod trasparenti l-livell neċessarju ta' sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-Istat Membru. Fil-każ ta' żoni tal-offerti transkonfinali, tali standards ta' affidabbiltà għandhom jiġu stabbiliti b'mod konġunt mill-awtoritajiet rilevanti.

2.   L-istandard ta' affidabbiltà għandu jkun stabbilit mill-Istat Membri jew minn awtorità kompetenti maħtura mill-Istat Membru, wara proposta mill-awtorità regolatorja. L-istandard tal-affidabbiltà għandu jkun ibbażat fuq il-metodoloġija stabbilita fl-Artikolu 23(6).

3.   L-istandard ta' affidabbiltà għandu jiġi kkalkulat bl-użu ta' mill-anqas il-valur ta' tagħbija mitlufa u l-kost ta' entrata ġdida matul perjodu ta' żmien partikolari u għandu jiġi espress bħala “enerġija mbassra mhux ipprovduta” u “tbassir tat-telf tat-tagħbija”.

4.   Meta japplikaw il-mekkaniżmi ta' kapaċità, il-parametri li jiddeterminaw l-ammont ta' kapaċità akkwistata fil-mekkaniżmu ta' kapaċità għandhom jiġu approvati mill-Istat Membru jew minn awtorità kompetenti oħra maħtura mill-Istati Membri, abbażi ta' proposta mill-awtorità regolatorja.

Artikolu 26

Parteċipazzjoni transkonfinali fil-mekkaniżmi ta' kapaċità

1.   Il-mekkaniżmi tal-kapaċità, għajr ir-riservi strateġiċi, u fejn teknikament fattibbli, ir-riservi strateġiċi għandhom jinfetħu għal parteċipazzjoni transkonfinali diretta ta' fornituri tal-kapaċità li jinsabu fi Stat Membru ieħor suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kapaċità barranija li kapaċi tipprovdi prestazzjoni teknika ekwivalenti għall-kapaċitajiet nazzjonali, ikollha l-opportunità li tipparteċipa fl-istess proċess kompetittiv tal-kapaċità nazzjonali. Fil-każ ta' mekkaniżmi tal-kapaċità li joperaw fl-4 ta' Lulju 2019, l-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-interkonnetturi biex jipparteċipaw direttament fl-istess proċess kompetittiv bħala kapaċità barranija għal massimu ta' erba' snin mill-4 ta' Lulju 2019 jew sentejn wara d-data tal-approvazzjoni tal-metodoloġiji msemmija fil-paragrafu 11, skont liema wieħed jiġi qabel.

L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li l-kapaċità tkun lokalizzata fi Stat Membru li għandu konnessjoni tan-netwerk diretta mal-Istat Membru li japplika l-mekkaniżmu.

3.   L-Istati Membri ma għandhomx jipprevjenu l-kapaċità li tinsab fit-territorju tagħhom milli tipparteċipa fil-mekkaniżmi ta' kapaċità ta' Stati Membri oħra.

4.   Il-parteċipazzjoni transkonfinali fil-mekkaniżmi ta' kapaċità ma għandhiex tibdel, timmodifika jew taffettwa b'xi mod ieħor skedi transkonfinali jew flussi fiżiċi bejn l-Istati Membri. Dawk l-iskedi u l-flussi lgħandhom jiġu stabbiliti biss bir-riżultat tal-allokazzjoni tal-kapaċità skont l-Artikolu 16

5.   Il-fornituri tal-kapaċità għandhom ikunu jistgħu jipparteċipaw f'aktar minn mekkaniżmu ta' kapaċità wieħed.

Fejn il-fornituri tal-kapaċità jipparteċipaw f'aktar minn mekkaniżmu ta' kapaċità wieħed għall-istess perjodu ta' konsenja, għandhom jipparteċipaw sad-disponibblità mistennija tal-interkonnessjoni u u l-konkorrenza probabbli ta' stress fuq is-sistema bejn is-sistema li fiha huwa applikat il-mekkaniżmu u s-sistema li fiha l-kapaċità barranija tinsab skont il-metodoloġija msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 11

6.   Il-fornituri tal-kapaċità għandhom ikunu meħtieġa jagħmlu pagamenti ta' nuqqas ta' disponibbiltà fejn il-kapaċità tagħhom ma tkunx disponibbli.

Fejn il-fornituri tal-kapaċità jipparteċipaw f'aktar minn mekkaniżmu ta' kapaċità wieħed għall-istess perjodu ta' konsenja, huma għandhom ikunu meħtieġa jagħmlu pagamenti ta' nuqqas ta' disponibbiltà multipli fejn ma jkunux jistgħu jissodisfaw impenji multipli.

7.   Għall-iskopijiet biex tingħata rakkomandazzjoni lill-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni, iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali stabbiliti skont l-Artikolu 35 għandhom jikkalkulaw fuq bażi annwali l-kapaċità massima ta' dħul disponibbli għall-parteċipazzjoni tal-kapaċità barranija. Dak il-kalkolu għandu jqis id-disponibbiltà mistennija ta' interkonnesjoni u l-konkorrenza probabbli ta' pressjoni fuq is-sistema fis-sistema fejn jiġi applikat il-mekkaniżmu u s-sistema fejn tkun tinsab il-kapaċità barranija. Tali kalkolu għandu jkun meħtieġ għal kull fruntiera taż-żona tal-offerti

L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jiffissaw il-kapaċità massima ta' dħul disponibbli għall-parteċipazzjoni tal-kapaċità barranija abbażi tar-rakkomandazzjoni taċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali fuq bażi annwali. għandhom jistabbilixxu l-kapaċità ta' dħul massima disponibbli għall-parteċipazzjoni

8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kapaċità ta' dħul msemmija fil-paragrafu 7 tkun allokata għall-fornituri tal-kapaċità eliġibbli b'mod trasparenti, mhux diskriminatorju u bbażat fuq is-suq.

9.   Fejn mekkaniżmi ta' kapaċità jippermettu parteċipazzjoni transkonfinali f'żewġ Stati Membri ġirien, kwalunkwe dħul li jirriżulta mill-allokazzjoni msemmija fil-paragrafu 8, għandu jakkumula għall-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni konċernati u għandu jinqasam bejniethom skont il-metodoloġija msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 11 ta' dan l-Artikolu jew skont metodoloġija komuni approvata miż-żewġ awtoritajiet regolatorji rilevanti. Jekk l-Istat Membru ġar ma japplikax mekkaniżmu tal-kapaċità jew japplika mekkaniżmu ta' kapaċità li mhuwiex miftuħ għall-parteċipazzjoni transkonfinali, is-sehem tad-dħul għandu jiġi approvat mill-awtorità nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru li fih il-mekkaniżmu tal-kapaċità qed jiġi implimentat wara li ġiet mfitxija l-opinjoni tal-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri ġirien. L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jużaw dan id-dħul għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 19(2).

10.   L-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni fejn tkun tinsab il-kapaċità barranija għandu:

(a)

jistabbilixxi jekk il-fornituri tal-kapaċità interessati jistgħux jipprovdu l-prestazzjoni teknika kif meħtieġa mill-mekkaniżmu ta' kapaċità li beħsiebhom jipparteċipaw fih, u jirreġistrahom fir-reġistru bħala fornituri tal-kapaċità eliġibbli f'reġistru stabbilit għal dak l-iskop;

(b)

iwettaq kontrolli tad-disponibbiltà;

(c)

jinnotifikaw lill-operatur tas-sistema ta 'trasmissjoni fl-Istat Membru li japplika l-mekkaniżmu tal-kapaċità ta' l-informazzjoni li jakkwista taħt il-punti (a) u (b) ta' dan is-subparagrafu u t-tieni subparagrafu;

Il-fornitur rilevanti tal-kapaċità għandu jinnotifika mingħajr dewmien lill-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni bil-parteċipazzjoni tiegħu f'mekkaniżmu ta' kapaċità barranija.

11.   Sal-5 ta' Lulju 2020, l-ENTSO għall-Elettriku għandu jippreżenta lill-ACER:

(a)

metodoloġija għall-kalkolu tal-kapaċità massima ta' dħul għall-parteċipazzjoni transkonfinali kif imsemmija fil-paragrafu 7;

(b)

metodoloġija għall-qsim tad-dħul imsemmija fil-paragrafu 9;

(c)

regoli komuni għat-twettiq ta 'kontrolli ta' disponibbiltà msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 10;

(d)

regoli komuni biex jiġi ddeterminat meta jkun dovut pagament ta' nuqqas tad-disponibbiltà;

(e)

termini tat-tħaddim tar-reġistru kif imsemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 10;

(f)

regoli komuni għall-identifikazzjoni tal-kapaċità eliġibbli għall-parteċipazzjoni fil-mekkaniżmu tal-kapaċità kif imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 10;

Il-proposta għandha tkun soġġetta għall-konsultazzjoni minn qabel u l-approvazzjoni mill-ACER skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 27.

12.   L-awtoritajiet regolatorji kkonċernati għandhom jivverifikaw jekk il-kapaċitajiet ġewx ikkalkulati skont il-metodoloġija kif imsemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 11.

13.   L-awtoritajiet regolatorji għandhom jiżguraw li l-parteċipazzjoni transkonfinali fil-mekkaniżmi ta' kapaċità tkun organizzata b'mod effettiv u mhux diskriminatorju. B'mod partikolari dawn għandhom jipprovdu għal arranġamenti amministrattivi adegwati għall-infurzar tal-pagamenti ta' nuqqas ta' disponibbiltà bejn il-fruntieri.

14.   Il-kapaċitajiet allokati skont il-paragrafu 8 għandhom ikunu trasferibbli bejn il-fornituri tal-kapaċità eliġibbli. Il-fornituri tal-kapaċità eliġibbli għandhom jinnotifikaw lir-reġistru kif imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 10 bi kwalunkwe trasferiment ta' dan it-tip.

15.   Sal-5 ta' Lulju 2021 l-ENTSO għall-Elettriku għandu jistabbilixxi u jħaddem ir-reġistru kif imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 10. Ir-reġistru għandu jkun miftuħ għall-fornituri tal-kapaċità eliġibbli kollha, għas-sistemi li japplikaw li jimplimentaw mekkaniżmi ta' kapaċità u għall-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni tagħhom.

Artikolu 27

Proċedura ta' approvazzjoni

1.   Fejn ssir referenza għal dan l-Artikolu, il-proċedura stabbilita fil-paragrafi 2, 3 u 4 għandha tapplika għall-approvazzjoni tal- ppreżentati mill-ENTSO għall-Elettriku.

2.   Qabel ma jippreżental-proposta, l-ENTSO għall-Elettriku għandu jwettaq proċess ta' konsultazzjoni li jinvolvi lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inkluż lill-awtoritiajiet regolatorji u lil awtoritajiet nazzjonali oħra. Huwa għandu jieħu jqis kif xieraq ir-riżultati tal-proċess ta' konsultazzjoni fil-proposta tiegħu.

3.   Fi żmien tliet xhur mid-data tal-wasla tal-proposta msemmija fil-paragrafu 1, l-ACER għandha tapprovaha jew temendaha. Fil-każ tal-aħħar, l-ACER għandha tikkonsulta lill-ENTSO għall-Elettriku qabel tapprova l-proposta emendata. L-ACER għandu jippubblika l-proposta approvata fuq is-sit web tagħha fi żmien tliet xhur mid-data tal-wasla tad-dokumenti proposti.

4.   Fi kwalunkwe mument, L-ACER tista' titlob li jsiru tibdiliet fil-proposta approvata. Fi żmien sitt xhur mid-data ta' meta tirċievi tali talba, l-ENTSO għall-Elettriku għandu jippreżenta abbozz tat-tibdiliet proposti lill- ACER. Fi żmien tliet xhur minn meta tirċievl -abbozz, l- ACER għandha temenda jew tapprova t-tibdiliet u tippubblika dawk it-tibdiliet hom fuq is-sit web tagħha.

KAPITOLU V

TĦADDIM TAS-SISTEMA TA' TRAŻMISSJONI

Artikolu 28

Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku

1.   L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jikkooperaw fil-livell tal-Unjoni permezz tal-ENTSO għall-Elettriku sabiex jiġu promossi l-ikkompletar u l-funzjonament tas-suq intern tal-elettriku u l-kummerċ transżonali u biex tiġi żgurata l-aħjar ġestjoni, it-tħaddim koordinat u l-evoluzzjoni teknika soda tan-netwerk Ewropew ta' trażmissjoni tal-elettriku.

2.   Fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu skont il-liġi tal-Unjoni, l-ENTSO għall-Elettriku għandu jaġixxi bil-ħsieb li jistabbilixxi suq intern tal-elettriku funzjonanti u integrat sewwa u għandu jikkontribwixxi għall-kisba effiċjenti u sostenibbli tal-objettivi stabbiliti fil-qafas ta' politika għall-enerġija u l-klima li jkopri l-perjodu mill-2020 sal-2030, b'mod partikolari billi jikkontribwixxi għall-integrazzjoni effiċjenti tal-elettriku ġġenerat mis-sorsi ta' enerġija rinnovabbli u għaż-żieda fl-effiċjenza tal-enerġija filwaqt li tinżamm is-sigurtà tas-sistema. L-ENTSO għall-Elettriku għandu jkun mgħammar b'riżorsi umani u finanzjarji adegwati biex jaqdi dmirijietu.

Artikolu 29

L- ENTSO għall-Elettriku

1.   L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni tal-elettriku għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni u lill-ACER kwalunkwe abbozz ta' emendi għall-istatuti, lista ta' membri jew regoli ta' proċedura tal-ENTSO għall-Elettriku.

2.   Fi żmien xahrejn mill-jum li fih tirċevi l-abbozzi ta' emendi għall-istatuti, lista tal-membri jew regoli ta' proċedura, l-ACER, wara li tikkonsulta lill-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-partijiet ikkonċernati kollha, b'mod partikolari lill-utenti tas-sistema, inklużi l-klijenti, għandha tagħti opinjoni lill-Kummissjoni dwar dawn l-abbozzi ta' emendi għall-istatuti, lista ta' membri jew regoli ta' proċedura.

3.   Il-Kummissjoni għandha tagħti opinjoni dwar ll-abbozzi ta' emendi għall-istatuti, lista ta' membri jew regoli ta' proċedurafilwaqt li tqis l-opinjoni ta' l-ACER kif previst fil-paragrafu 2 u fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi l-opinjoni tal-ACER.

4.   Fi żmien tliet xhur minn meta jirċievu l-opinjoni favorevoli tal-Kummissjoni, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jadottaw u jippubblikaw l-istatuti jew ir-regoli ta' proċedura emendati.

5.   Id-dokumenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni u lill- ACER fejn ikun hemm tibdil fihom jew fuq talba motivata ta' waħda minnhom L-Kummissjoni u l-ACER għandhom jagħtu l-opinjoni tagħhom skont il- paragrafi 2, 3 u 4.

Artikolu 30

Il-kompiti tal-ENTSO għall-Elettriku

1.   L-ENTSO għall-Elettriku għandu:

(a)

jiżviluppa kodiċijiet tan-netwerk fl-oqsma stabbiliti fl-Artikolu 59(1) u (2) bil-għan li jinkisbu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 28;

(b)

jadotta u jippubblika pjan ta' żvilupp tan-netwerk fuq perjodu ta' għaxar snin mhux vinkolanti għall-Unjoni (pjan ta' żvilupp tan-netwerk għall-Unjoni kollha), kull sentejn;

(c)

iħejji u jadotta proposti relatati mal-valutazzjoni Ewropea dwar l-adegwatezza tar-riżorsi skont l-Artikolu 23 u proposti għal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-parteċipazzjoni transkonfinali fil-mekkaniżmi ta' kapaċità skont l-Artikolu 26(11);

(d)

jadotta rakkomandazzjonijiet dwar il-koordinazzjoni tal-kooperazzjoni teknika bejn l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni tal-Unjoni u l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni ta' pajjiżi terzi;

(e)

jadotta qafas għall-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali;

(f)

jadotta proposta li tiddefinixxi r-reġjun ta' tħaddim tas-sistema f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 36;

(g)

jikkoopera ma' operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni u l-entità tal-UE għad-DSO.

(h)

jippromwovi d-diġitalizzazzjoni tan-netwerks ta' trażmissjoni inkluż l-użu ta' grilji intelliġenti, l-akkwist effiċjenti ta' data f'ħin reali u sistemi ta' kejl intelliġenti;

(i)

jadotta għodod komuni għat-tħaddim tan-netwerk biex jiżguraw il-koordinazzjoni tat-tħaddim tan-netwerk f'kundizzjonijiet normali u f'emerġenza, inkluża klassifikazzjoni komuni ta' inċidenti, u pjanijiet ta' riċerka, inkluż l-użu ta' dawk il-pjanijiet fi programm ta' riċerka effiċjenti. Dik l-għodda għandha tispeċifika fost affarijiet oħra:

(i)

l-informazzjoni, inkluża l-informazzjoni xierqa minn ġurnata qabel, tal-istess jum, u f'ħin reali, li tkun utli għat-titjib tal-koordinazzjoni operazzjonali, kif ukoll il-frekwenza ottimali għall-ġbir u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni ta' dan it-tip;

(ii)

il-pjattaforma teknoloġika għall-iskambju ta' informazzjoni f'ħin reali u fejn ikun xieraq, il-pjattaformi teknoloġiċi għall-ġbir, l-ipproċessar u t-trażmissjoni tal-informazzjoni l-oħra msemmija fil-punt (i), kif ukoll għall-implimentazzjoni tal-proċeduri li jkunu kapaċi jżidu l-koordinazzjoni operazzjonali bejn l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni bil-ħsieb li dan il-koordinazzjoni jibda jseħħ fl-Unjoni kollha kemm hi;

(iii)

kif l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni se jqiegħdu l-informazzjoni operazzjonali għad-diżpożizzjoni tal-operaturi l-oħra tas-sistema ta' trażmissjoni jew ta' kwalunkwe entità oħra li tkun ingħatat il-mandat dovut li tappoġġahom fil-kisba tal-koordinazzjoni operazzjonali, u tal-ACER; u

(iv)

li l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni jaħtru punt ta' kuntatt responsabbli biex iwieġeb il-mistoqsijiet minn operaturi oħrajn tas-sistema ta' trażmissjoni jew minn kwalunkwe entità oħra li tkun ingħatat il-mandat dovut kif imsemmi fil-punt (iii), jew mill-ACER fir-rigward tal-informazzjoni ta' dan it-tip;

(j)

jadotta programm ta' ħidma annwali;

(k)

jikkontribwixxi għall-ħolqien tar-rekwiżiti ta' interoperabbiltà u ta' proċeduri mhux diskriminatorji u trasparenti għall-aċċess għad-data kif previst fl-Artikolu 24 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(l)

jadotta rapport annwali;

(m)

iwettaq u jadotta valutazzjonijiet staġonali dwar l-adegwatezza skont l- 9(2) tar-Regolament (UE) 2019/941;

(n)

jippromwovi ċ-ċibersigurtà u l-protezzjoni tad-data f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet rilevanti u mal-entitajiet regolati;

(o)

iqis l-iżvilupp tar-rispons għad-domanda huwa u jwettaq il-kompiti tiegħu.

2.   L-ENTSO tal-Elettriku għandu jirrapporta lill-ACER dwar in-nuqqasijiet identifikati rigward l-istabbiliment u l-prestazzjoni taċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali.

3.   L-ENTSO għall-Elettriku għandu jippubblika l-minuti tal-laqgħat tal-Assemblea tiegħu, tal-laqgħat tal-bord u tal-kumitati u jipprovdi lill-pubbliku l-informazzjoni regolari dwar it-teħid tad-deċiżjonijiet u l-attivitajiet tiegħu.

4.   Il-programm ta' ħidma annwali msemmi fil-punt (j) tal-paragrafu 1 għandu jinkludi lista u deskrizzjoni tal-kodiċijiet tan-netwerk li għandhom jitħejjew, pjan dwar il-koordinazzjoni tat-tħaddim tan-netwerk u l-attivitiajiet ta' riċerka u żvilupp li għandhom jitwettqu f'dik is-sena, u kalendarju indikattiv.

5.   L-ENTSO għall-Elettriku għandu jjipprovdi lill-ACER bl-informazzjoni li l-ACER teħtieġ biex twettaq il-kompiti tagħha skont l-Artikolu 32(1). Sabiex l-ENTSO għall-Elettriku jkun jista' jissodisfa dak ir-rekwiżit, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jipprovdu lill-ENTSO għall-Elettriku bl-informazzjoni meħtieġa.

6.   Fuq talba tal-Kummissjoni, l-ENTSO għall-Elettriku għandu jgħarraf lill-Kummissjoni bil-fehmiet tiegħu dwar l-adozzjoni ta' linji gwida kif stabbilit fl-Artikolu 61.

Artikolu 31

Konsultazzjonijiet

1.   Fil-preparazzjoni tal-proposti skont il-kompiti msemmija fl-Artikolu 30(1), l-ENTSO tal-Elettriku għandu jwettaq proċess estensiv ta' konsultazzjoni. Il-proċess ta' konsultazzjoni għandu jkun strutturat b'mod li jippermetti l-akkomodazzjoni tal-integrazzjoni tal-osservazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati qabel l-adozzjoni finalital-proposta u b'mod miftuħ u trasparenti, bl-involviment tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha u, b'mod partikolari, lill-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lil tali partijiet ikkonċernati kollha,skont ir-regoli ta' proċedura msemmija fl-Artikolu 29. Dik il-konsultazzjoni għandha tinvolvi wkoll lill-awtoritajiet regolatorji u awtoritajiet nazzjonali oħrajn, l-impriżi ta' forniment u ta' ġenerazzjoni, l-utenti tas-sistema, inklużi l-klijenti, l-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni, inklużi l-assoċjazzjonijiet tal-industrija rilevanti, il-korpi tekniċi u l-pjattaformi tal-partijiet ikkonċernati. Il-konsultazzjoni għandha l-għan li tidentifika l-opinjonijiet u l-proposti tal-partijiet rilevanti kollha waqt il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet.

2.   Id-dokumenti u l-minuti kollha tal-laqgħat relatati ma' dawn il-konsultazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu pubbliċi.

3.   Qabel ma jiġu adottati l-proposti msemmija fl-Artikolu 30(1), l-ENTSO għall-Elettriku għandu jindika kif tqiesu l-osservazzjonijiet li jkun irċieva waqt il-konsultazzjoni. Din għandha tagħti raġunijiet meta l-osservazzjonijiet ma jitqisux.

Artikolu 32

Sorveljanza mill-ACER

1.   L-ACER għandha tissorvelja l-eżekuzzjoni tal-kompiti tal-ENTSO għall-Elettriku msemmija fl-Artikolu 30(1), (2) u (3), u tirrapporta s-sejbiet tagħha lill-Kummissjoni.

L-ACER għandha tissorvelja l-implimentazzjoni, mill-ENTSO għall-Elettriku, tal-kodiċijiet tan-netwerk żviluppati skont l-Artikolu 59. Meta l-ENTSO għall-Elettriku jonqos milli jimplimenta dawn il-kodiċijiet tan-netwerk, l-ACER għandha titlob lill-ENTSO għall-Elettriku biex jipprovdi spjegazzjoni raġunata għalfejn ikun naqas milli jagħmel dan. L-ACER għandha tinforma lill-Kummissjoni dwar dik l-ispjegazzjoni u tagħti opinjoni dwarha.

L-ACER għandha tissorvelja u tanalizza l-implimentazzjoni tal-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida adottati mill-Kummissjoni kif stabbilit fl-Artikolu 58(1), u l-effett tagħhom fuq l-armonizzazzjoni tar-regoli applikabbli mmirati għall-faċilitazzjoni tal-integrazzjoni tas-suq kif ukoll fuq in-nondiskriminazzjoni, il-kompetizzjoni effettiva, il-funzjonament effiċjenti tas-suq, u tirrapporta lill-Kummissjoni.

2.   L-ENTSO għall-Elettriku għandu jippreżenta l-abbozz tal-pjan ta' żvilupp tan-netwerk għall-Unjoni kollha, l-abbozz tal-programm ta' ħidma annwali, inkluża l-informazzjoni dwar il-proċess ta' konsultazzjoni, u dokumenti oħra msemmija fl-Artikolu 30(1) lill-ACER għall-opinjoni tagħha.

Meta tqis li l-abbozz tal-programm ta' ħidma annwali jew l-abbozz tal-pjan ta' żvilupp tan-netwerk għall- Unjoni kollha ppreżentati mill-ENTSO għall-Elettriku ma jikkontribwixxix għan-nondiskriminazzjoni, il-kompetizzjoni effettiva, il-funzjonament effiċjenti tas-suq jew livell suffiċjenti ta' interkonnessjoni transkonfinali miftuħa għall-aċċess mill-partijiet terzi. L-Aġenzija għandha tipprovdi opinjoni debitament motivata kif ukoll rakkomandazzjonijiet lill-ENTSO għall-Elettriku u lill-Kummissjoni fi żmien xahrejn minn meta tirċevihom.

Artikolu 33

Kostijiet

Il-kostijiet relatati mal-attivitajiet tal-ENTSO għall-Elettriku msemmija fl-Artikoli 28 sa 32 u 58 sa 61 ta' dan ir-Regolament u fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22) għandhom jiġġarrbu mill-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni u għandhom jitqiesu fil-kalkolu tat-tariffi. L-awtoritajiet regolatorji għandhom japprovaw dawn il-kostijiet biss jekk ikunu raġonevoli u xierqa.

Artikolu 34

Kooperazzjoni reġjonali tal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni

1.   L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jistabbilixxu kooperazzjoni reġjonali fi ħdan l-ENTSO għall-Elettriku biex tikkontribwixxi għall-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 30(1), (2) u (3). B'mod partikolari, għandhom jippubblikaw pjan ta' investiment reġjonali kull sentejn, u jistgħu jieħdu deċiżjonijiet ta' investiment ibbażati fuq dak il-pjan ta' investiment reġjonali. L-ENTSO għall-Elettriku għandu jippromwovi l-kooperazzjoni bejn l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni fil-livell reġjonali filwaqt li jiżgura l-interoperabbiltà, il-komunikazzjoni u s-sorveljanza tal-prestazzjoni reġjonali f'dawk l-oqsma li għadhom ma ġewx armonizzati fil-livell tal-Unjoni.

2.   L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jippromwovu arranġamenti operazzjonali sabiex jiżguraw l-aħjar ġestjoni tan-netwerk, u għandhom jippromwovu l-iżvilupp ta' skambji tal-enerġija, l-allokazzjoni kkoordinata tal-kapaċità traskonfinali permezz ta' soluzzjonijiet mhux diskriminatorji bbażati fuq is-suq, bl-attenzjoni dovuta għall-merti speċifiċi tal-bejgħ bl-irkant impliċitu għall-allokazzjonijiet fuqperjodu qasir, u l-integrazzjoni ta' mekkaniżmi ta' bilanċ u ta' riservi tal-enerġija.

3.   Sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2, iż-żona ġeografika koperta minn kull struttura ta' kooperazzjoni reġjonali tista' tiġi stabbilita mill-Kummissjoni, filwaqt li tqis l-istrutturi ta' kooperazzjoni reġjonali eżistenti. Kull Stat Membru jista' jippromwovi l-kooperazzjoni f'aktar minn żona ġeografika waħda.

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 68 biex tissuplimenta dan ir-Regolament, biex tistabbilixxi iż-żona ġeografika koperta minn kull struttura ta' kooperazzjoni reġjonali. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-awtoritajiet regolatorji, lill-CER u lill-ENTSO tal-Elettriku.

L-atti delegati msemmija f'dan il-paragrafu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 36.

Artikolu 35

L-istabbiliment u l-missjoni taċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali

1.   Sal-5 ta' Lulju 2020, l-operaturi kollha tas-sistema ta' trażmissjoni ta' reġjun ta' tħaddim tas-sistema għandhom jipreżentaw lill-awtoritajiet regolatorji rispettivi proposta għall-istabbiliment ta' ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali lill-awtoritajiet regolatorji kkonċernati skont il-kriterji definit f'dan il-Kapitolu.

L-awtoritajiet regolatorji tar-reġjun ta' tħaddim tas-sistema għandhom jirrieżaminaw u japprovaw il-proposta.

Il-proposta għandha tinkludi l-elementi li ġejjin:

(a)

l-Istat Membru li fih tkun tinsab is-sede prospettiva taċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali u l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoniparteċipanti;

(b)

l-arranġamenti organizzattivi, finanzjarji u operazzjonali neċessarji sabiex jiġi żgurat it-tħaddim effiċjenti, sigur u affidabbli tas-sistema ta' trażmissjoni interkonnessa;

(c)

pjan ta' implimentazzjoni biex jibdew joperaw iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali;

(d)

l-istatuti u r-regoli ta' proċedura taċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali;

(e)

deskrizzjoni tal-proċessi kooperattivi skont l-Artikolu 38;

(f)

deskrizzjoni tal-arranġamenti li jikkonċernaw ir-responsabbiltà taċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali skont l-Artikolu 47;

(g)

meta jkun hemm żewġ ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali operattivi fuq bażi ta' rotazzjoni skont l-Artikolu 36(2), deskrizzjoni tal-arranġamenti li jiddefinixxu r-responsabbiltajiet u l-proċeduri ċari dwar it-twettiq tal-kompiti tagħhom.

2.   Wara l-approvazzjoni mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-proposta msemmija fil-paragrafu 1, iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jissostitwixxu lill-koordinaturi reġjonali tas-sigurtà stabbiliti skont l-Linja Gwida dwar it-Tħaddim tas-Sistema adottata abbażi tal-Artikolu 18(5) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 u għandhom jibdew joperaw mill-1 ta' Lulju 2022.

3.   Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom ikunu organizzati f'forma ġuridika kif imsemmi fl-Anness A tad-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23).

4.   Fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom skont l-liġi tal-Unjoni, iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jaġixxu b'mod indipendenti mill-interessi nazzjonali individwali u b'mod indipendenti mill-interessi tal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni.

5.   Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jikkomplementaw ir-rwol tal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni billi jwettqu l-kompiti ta' rilevanza reġjonali assenjati lilhom f'konformità mal-Artikolu 37. L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom ikunu responsabbli għall-ġestjoni tal-flussi tal-elettriku u għall-iżgurar ta' sistema tal-elettriku sigura, affidabbli u effiċjenti skont punt (d) ta-Artikolu 40(1) tad-Direttiva (UE) 2019/944.

Artikolu 36

Ambitu ġeografiku taċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali

1.   Sal-5 ta' Jannar 2020 l-ENTSO għall-Elettriku għandu jippreżenta proposta lill-ACERli tispeċifika liema operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni, żoni tal-offerti, konfini taż-żoni tal-offerti, reġjuni bil-kapaċità kalkolata u reġjuni ta' koordinazzjoni tal-indisponibbiltà huma koperti minn kull wieħed mir-reġjuni ta' tħaddim tas-sistema. Il-proposta għandha tqis it-topoloġija tal-grilja, inkluż il-grad tal-interkonnessjoni u l-interdipendenza tas-sistema tal-elettriku f'termini ta' flussi u d-daqs tar-reġjun li għandu jkopri mill-inqas reġjun wieħed bil-kapaċità kalkolata;

2.   L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni ta' reġjun tat-tħaddim ta' sistema għandhom jaderixxu maċ-ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali stabbilit f'dak ir-reġjun. F'ċirkostanzi eċċezzjonali,fejn żona ta' kontroll ta' operatur tas-sistema ta' tranżizzjoni hija parti minn diversi żoni sinkroniċi multipli, l-operatur tas-sistema ta' tranżizzjoni jista' jipparteċipa f'żewġ ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali. Għall-konfini taż-żoni tal-offerti ħdejn reġjuni ta' tħaddim tas-sistema, il-proposta fil-paragrafu 1 għandha tispeċifika l-mod kif għandu jsir il-koordinazzjoni bejn iċ- ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għal dawk il-konfini. Għaż-żona sinkronika tal-Ewropa Kontinentali, fejn l-attivitajiet ta' żewġ ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali jistgħu jidħlu fuq xulxin f'reġjun ta' tħaddim tas-sistema, l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni ta' dak ir-reġjun ta' tħaddim tas-sistema għandhom jiddeċiedu li jew jaħtru ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali uniku f'dak ir-reġjun jew li ż-żewġ ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali jwettqu wħud mill-kompiti jew il-kompiti kollha ta' rilevanza reġjonali fir-reġjun ta' tħaddim tas-sistema kollu kemm hu fuq bażi ta' rotazzjoni filwaqt li kompiti oħra minn ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali uniku maħtur.

3.   Fi żmien tliet xhur minn meta tasal il-proposta fil-paragrafu 1, l-ACER għandha tapprova l-proposta li tiddefinixxi r-reġjuni ta' tħaddim tas-sistema jew tipproponi li jsiru xi emendi. Fil-każ tal-aħħar, l-ACER għandha tikkonsulta lill-ENTSO għall-Elettriku qabel tadotta l-emendi. Il-proposta adottata għandha tiġi ppubblikata fis-sit web tal-ACER.

4.   L-operaturi tas-sistema ta' tranżizzjoni rilevanti jistgħu jippreżentaw proposta lill-ACER għall-modifika tar-reġjuni ta' tħaddim tas-sistema definiti skont il-paragrafu 1. Għandu japplika l-proċess stipulat fil-paragrafu 3.

Artikolu 37

Kompiti taċ- ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali

1.   Kull ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali għandu jwettaq mill-inqas il-kompiti kollha ta' rilevanza reġjonali li ġejjin fir-reġjun ta' tħaddim tas-sistema kollu kemm hu fejn ikun stabbilit:

(a)

it-twettiq tal-kalkolu koordinat tal-kapaċità skont il-metodoloġiji żviluppati f'konformità mal-linja gwida tal-allokazzjoni tal-kapaċità u tal-ġestjoni tal-konġestjoni adottata abbażi tal-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009;

(b)

it-twettiq tal-analiżi koordinata tas-sigurtà f'konformità mal-metodoloġiji żviluppati skont il-linja gwida dwar it-tħaddim tas-sistema adottata abbażi tal-Artikolu 18(5) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009;

(c)

il-ħolqien ta' mudelli tal-grilja komuni f'konformità mal-metodoloġiji u mal-proċeduri żviluppati skont il-linja gwida dwar it-tħaddim tas-sistema adottata abbażi tal-Artikolu 18(5) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009;

(d)

l-appoġġ għall-valutazzjoni tal-konsistenza tal-pjanijiet ta' difiża u ta' restawr tal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni f'konformità mal-proċeduri stabbiliti fil-kodiċi tan-netwerk għall-emerġenza u restawr adottat abbażi tal-Artikolu 6(11) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009;

(e)

it-twettiq ta' previżjonijiet u tħejjija reġjonali dwar l-adegwatezza tas-sistema minn ġimgħa bil-quddiem sa mill-anqas ġurnata bil-quddiem tal-azzjonijiet li jnaqqsu r-riskji f'konformità mal-metodoloġija stabbilita fir-Regolament (UE) 2019/941 u mal-proċeduri stabbiliti fil-Linja Gwida dwar it-Tħaddim tas-Sistema adottata abbażi tal-Artikolu 18(5) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009;

(f)

it-twettiq ta' koordinazzjoni tal-ippjanar tal-indisponibbiltà reġjonali f'konformità mal-proċeduri u metodoloġiji stabbiliti fil-Linja Gwida dwar it-Tħaddim tas-Sistema adottata abbażi tal-Artikolu 18(5) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009;

(g)

it-taħriġ u ċertifikazzjoni għall-persunal li jaħdem għaċ-Ċentri ta' Koordinazzjoni Reġjonali;

(h)

l-appoġġ lill-koordinazzjoni u l-ottimizzazzjoni tar-restawr reġjonali kif mitlub minn operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni;

(i)

it-twettiq ta' analiżi u rappurtar ta' wara t-tħaddim u t-tfixkil;

(j)

l-iffissar tad-dimensjoni reġjonali tal-kapaċità ta' riserva;

(k)

l-iffaċilitar tal-akkwist reġjonali tal-kapaċità ta' bbilanċjar;

(l)

l-appoġġ lill-operaturi tas-sistema ta' tranżizzjoni, fuq talba tagħhom, fl-ottimizzazzjoni tas-saldu fost l-operaturi tas-sistema ta' tranżizzjoni;

(m)

it-twettiq ta' kompiti relatati mal-identifikazzjoni tax-xenarji ta' kriżi reġjonali tal-elettriku jekk u sal-punt li jiġu ddelegati liċ-Ċentri ta' Koordinazzjoni Reġjonali skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2019/941;

(n)

it-twettiq ta' relatati mal-identifikazzjoni tal-valutazzjonijiet staġonali tal-adegwatezza jekk u safejn jiġu ddelegati liċ-Ċentri ta' Koordinazzjoni Reġjonali skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) 2019/941;

(o)

il-kalkolu tal-valur tal-kapaċità fi dħul massimu disponibbli għall-parteċipazzjoni tal-kapaċità barranija fil-mekkaniżmi ta' kapaċità għal skopijiet ta' formulazzjoni ta' rakkomandazzjoni skont l-Artikolu 26(7).

(p)

it-twettiq ta' kompiti relatati mal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni fl-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet għal kapaċità ta' trażmissjoni ġdida, għal titjib fil-kapaċità ta' trażmissjoni eżistenti jew l-alternattivi tagħhom, li għandhom jiġu ppreżentati lill-gruppi reġjonali stabbiliti skont ir-Regolament (UE) Nru 347/2013 u inklużi fil-pjan ta' għaxar snin għall-iżvilupp tan-netwerk imsemmi fl-Artikolu 51 tad-Direttiva (UE) 2019/944.

Il-kompiti msemmija fl-ewwel subparagrafu huma stabbiliti f'aktar dettall fl-Anness I.

2.   Abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni Ewropea jew minn Stat Membru, il-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 68 tad-Direttiva (EU) 2019/944 għandu joħroġ opinjoni dwar l-assenjazzjoni ta' kompiti ta' konsulenza ġodda liċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali. Fejn dak il-Kumitat joħroġ opinjoni favorevoli dwar l-assenjazzjoni tal-kompiti ta' konsulenza ġodda, iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom iwettqu dawk il-kompiti abbażi ta' proposta żviluppat mill-ENTSO għall-Elettriku u approvata mill-ACER skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 27.

3.   L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jipprovdu liċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali tagħhom l-informazzjoni meħtieġa biex jitwettqu l-kompiti tagħhom.

4.   Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jipprovdu lill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni tar-reġjun ta' tħaddim tas-sistema l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jiġu implimentati l-azzjonijiet koordinati u r-rakkomandazzjonijiet maħruġa miċ-Ċentri ta' Koordinazzjoni Reġjonali.

5.   Fir-rigward tal-kompiti stabbiliti f'dan l-Artikolu u mhux diġà koperti mill-kodiċijiet tan-netwerk jew mil-linji gwida rilevanti, l-ENTSO għall-Elettriku għandu jiżviluppa proposta f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 27. Iċ-Ċentri ta' Koordinazzjoni Reġjonali għandhom iwettqu dawk il-funzjonijiet abbażi tal -proposta wara li tkun ġiet approvata mill-ACER.

Artikolu 38

Kooperazzjoni fi ħdan u fost iċ-ċentri operazzjonali reġjonali u bejn iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali

Il-koordinazzjoni ta' kuljum fi ħdan u fost iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandu jiġi ġestit permezz ta' proċessi kooperattivi fost l-operaturi tas-sistema ta' trażmizzjoni tar-reġjun, fosthom arranġamenti għall-koordinazzjoni bejn iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali meta rilevanti. Il-proċess kooperattiv għandu jkun ibbażat fuq:

(a)

arranġamenti ta' ħidma li jindirizzaw l-aspetti operazzjonali u ta' ppjanar rilevanti għall-kompiti msemmija fl-Artikolu 37;

(b)

proċedura għall-kondiviżjoni tal-analiżi u għall-konsultazzjoni tal-proposti taċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali nal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni tar-reġjun ta' tħaddim tas-sistema u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti u maċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali l-oħrajn, b'mod effiċjenti u inklużiv, fl-eżerċizzju tal-obbligi u tal-kompiti operazzjonali skont l-Artikolu 40;

(c)

proċedura għall-adozzjoni ta' azzjonijiet koordinati u rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 42.

Artikolu 39

Arranġamenti ta' ħidma

1.   Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jiżviluppaw arranġamenti ta' ħidma li jkunu effiċjenti, inklużivi, trasparenti u li jiffaċilitaw il-kunsens, sabiex jindirizzaw l-aspetti operazzjonali u ta' ppjanar relatati mal-kompiti li jridu jitwettqu, billi jitqiesu, b'mod partikolari, l-ispeċifiċitajiet u r-rekwiżiti ta' dawk il-kompiti kif speċifikat fl-Anness I. Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jiżviluppaw ukoll proċess għar-reviżjoni ta' dawn l-arranġamenti ta' ħidma.

2.   Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jiżguraw li l-arranġamenti ta' ħidma msemmija fil-paragrafu 1 jinkludu regoli għan-notifika tal-partijiet ikkonċernati.

Artikolu 40

Proċedura ta' konsultazzjoni

1.   Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jiżviluppaw proċedura biex jorganizzaw, fl-eżerċizzju tal-obbligi u tal-kompiti operazzjonali tagħhom ta' kuljum, il-konsultazzjoni xierqa u regolari tal-operaturi fis-sistema ta' trażmissjoni tar-reġjun ta' tħaddim tas-sistema, ta' ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali oħrajn u tal-partijiet ikkonċernati rilevanti. Sabiex jiżguraw li jistgħu jiġu indirizzati l-kwistjonijiet regolatorji, l-awtoritajiet regolatorji għandhom ikunu involuti meta jkun meħtieġ.

2.   Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jikkonsultaw lill-Istati Membri tar-reġjun ta' tħaddim tas-sistema u, fejn hemm forum reġjonali, lill-fora reġjonali tagħhom dwar kwistjonijiet ta' rilevanza politika li jeskludu l-attivitajiet ta' kuljum taċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali u l-implimentazzjoni tal-kompiti tagħhom. Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jieħdu kont debitu tar-rakkomandazzjonijiet mogħtija mill-Istati Membri u fejn applikabbli, mill-fora reġjonali tagħhom.

Artikolu 41

Trasparenza

1.   Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jiżviluppaw proċess għall-involviment tal-partijiet ikkonċernati u għandhom jorganizzaw laqgħat regolari mal-partijiet ikkonċernati sabiex jiddiskutu dwar kwistjonijiet relatati mat-tħaddim effiċjenti, sigur u affidabbli tas-sistema interkonnessa kif ukoll sabiex jiġu identifikati n-nuqqasijiet u jiġi propost titjib.

2.   L-ENTSO tal-Elettriku u ċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom joperaw b'trasparenza sħiħa fil-konfront tal-partijiet ikkonċernati u tal-pubbliku ġenerali. Id-dokumentazzjoni kollha rilevanti għandha tkun ippubblikata fuq is-siti web rispettivi tagħhom.

Artikolu 42

Adozzjoni u reviżjonijiet tal-azzjonijiet koordinati u tar-rakkomandazzjonijiet

1.   L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni f' reġjun ta' tħaddim tas-sistema għandhom jiżviluppaw proċedura għall-adozzjoni u għar-reviżjoni tal-azzjonijiet koordinati u tar-rakkomandazzjonijiet maħruġa miċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali f'konformità mal-kriterji stabbiliti fil-paragrafi 2, 3 u 4. s

2.   Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom joħorġu azzjonijiet koordinati indirizzati lill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni dwar il-kompiti msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 37(1). L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jimplimentaw l-azzjonijiet koordinati għajr meta l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet koordinati tkun tirriżulta fi ksur tal-limiti tas-sigurtà operazzjonali definiti minn kull operatur tas-sistema ta' trażmissjoni f'konformità mal-linja gwida dwar it-tħaddim tas-sistema adottata abbażi tal-Artikolu 18(5) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009.

Meta operatur tas-sistema ta' trażmissjoni jiddeċiedi li ma jimplimentax azzjoni koordinata għall-motivazzjoni stabbilita fil-paragrafu 2, huwa għandu jirrapporta b'mod trasparenti l-motivazzjoni fid-dettall liċ-ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali u lill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni tar-reġjun ta' tħaddim tas-sistema. F'każijiet bħal dawn, iċ-ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali għandu jivvaluta l-impatt ta' dik id-deċiżjoni fuq l-operaturi l-oħra tas-sistema ta' trażmissjoni tar-reġjun ta' tħaddim tas-sistema u jista' jipproponi ġabra differenti ta' azzjonijiet koordinati soġġetti għall-proċedura stipulata fil-paragrafu 1.

3.   Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom joħorġu rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni fir-rigward mal-kompiti elenkati fil-punti (c) sa (p) tal-Artikolu 37(1) jew assnejati skont l-Artikolu 37(2)..

Meta operatur ta' sistema ta' trażmissjoni jiddeċiedi li jiddevja minn-rakkomandazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1, għandu jippreżenta ġustifikazzjoni għad-deċiżjoni tiegħu liċ-ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali u lill-operaturi l-oħra tas-sistemi ta' trażmissjoni tar-reġjun ta' tħaddim tas-sistema mingħajr dewmien żejjed.

4.   Ir-reviżjoni tal-azzjonijiet koordinati jew ta' rakkomandazzjoni għandha tkun attivata fuq talba ta' operatur wieħed jew aktar tas-sistema ta' trażmissjoni tar-reġjun ta' tħaddim tas-sistema. Wara r-reviżjoni tal-azzjoni koordinata jew tar-rakkomandazzjoni, iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jikkonformaw jew jimmodifikaw il-miżura.

5.   Fejn azzjoni koordinata hija soġġetta għal reviżjoni skont il-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu, it-talba għal reviżjoni ma għandhiex tissospendi l-azzjoni koordinata ħlief fejn l-implimentazzjoni tal-azzjoni koordinata tkun tirriżulta fi ksur tal-limiti tas-sigurtà operazzjonali definiti minn kull operatur individwali tas-sistema ta' trażmissjoni skont l-linja gwida dwar it-tħaddim tas-sistema adottata abbażi tal-Artikolu 18(5) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009.

6.   Fuq proposta ta' Stat Membru jew tal-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 68 tad-Direttiva (EU) 2019/944, l-Istati Membri f' reġjun ta' tħaddim tas-sistema jistgħu jiddeċiedu b'mod konġunt li jagħtu l-kompetenza tal-ħruġ ta' azzjonijiet koordinati liċ-ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali tagħhom għal kompitu wieħed jew aktar previsti fil-punti (c) sa (p) tal-Artikolu 37(1) ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 43

Bord maniġerjali taċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali

1.   Sabiex jadotta miżuri relatati mal-governanza tagħhom u biex jimmonitorja l-prestazzjoni tagħhom, iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jistabbilixxu bord maniġerjali.

2.   Il-bord maniġerjali għandu jkun magħmul minn membri li jirrappreżentaw lill-operaturi kollha tas-sistema ta' trażmissjoni li jipparteċipaw fiċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali rispettivi.

3.   Il-bord maniġerjali għandu jkun responsabbli:

(a)

mill-abbozzar u mill-approvazzjoni tal-istatuti u mir-regoli ta' proċedura taċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali;

(b)

mit-teħid tad-deċiżjonijiet u mill-implimentazzjoni tal-istruttura organizzattiva;

(c)

mit-tħejjija u mill-approvazzjoni tal-baġit annwali;

(d)

mill-iżvilupp u mill-approvazzjoni tal-proċessi kooperattivi skont l-Artikolu 38.

4.   Il-kompetenzi tal-bord maniġerjali ma jinkludux dawk li huma relatati mal-attivitajiet ta' kuljum taċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali u mat-twettiq tal-kompiti tiegħu.

Artikolu 44

Struttura organizzattiva

1.   L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni ta' reġjun ta' tħaddim tas-sistema għandhom jistabbilixxu l-istruttura organizzattiva taċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali li tappoġġa s-sikurezza tal-kompiti tagħhom.

L-istruttura organizzattiva tagħhom għandha tispeċifika:

(a)

s-setgħat, l-obbligi u r-responsabbiltajiet tal-persunal;

(b)

ir-relazzjoni u l-linji ta' rappurtar bejn partijiet u proċessi differenti tal-organizzazzjoni.

2.   Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali jistgħu jistabbilixxu uffiċċji reġjonali biex jindirizzaw l-ispeċifiċitajiet sottoreġjonali jew jistabbilixxu appoġġ għaċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għall-eżerċizzju effiċjenti u affidabbli tal-kompiti tagħhom meta jintwera bil-provi li huwa strettament neċessarju.

Artikolu 45

Tagħmir u persunal

Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom ikunu mgħammra bir-riżorsi umani, tekniċi, fiżiċi u finanzjarji kollha meħtieġa biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament u biex iwettqu l-kompiti tagħhom b'mod indipendenti u imparzjali.

Artikolu 46

Sorveljanza u rappurtar

1.   Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jistabbilixxu proċess għas-sorveljanza kontinwa ta' mill-inqas:

(a)

il-prestazzjoni operazzjonali tagħhom;

(b)

l-azzjonijiet koordinati u r-rakkomandazzjonijiet maħruġa, sa fejn l-azzjonijiet u l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet koordinati u rakkomandazzjonijiet ġew implimentati mill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni u r-riżultati miksuba; '

(c)

l-effettività u l-effiċjenza ta' kull waħda mill-kompiti li huma responsabbli għalihom u, fejn, applikabbli, ir-rotazzjoni ta' dawk il-kompiti.

2.   Iċ-ċentri operazzjonali reġjonali għandhom jagħtu kont tal-kostijiet tagħhom b'mod trasparenti u jirrappurtawhom lill-ACER u lill-awtoritajiet regolatorji fir-reġjun ta' tħaddim tas-sistema.

3.   Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jippreżentaw rapport annwali dwar ir-riżultat tal-monitoraġġ previst fil-paragrafu 1 u informazzjoni dwar il-prestazzjoni tagħhom lill-ENTSO għall-Elettriku, lill- ACER, lill-awtoritajiet regolatorji tar-reġjun ta' tħaddim tas-sistema u lill-Grupp għall-Koordinazzjoni tal-Elettriku..

4.   Iċ-ċentri operazzjonali reġjonali għandhom jirrappurtaw kwalunkwe nuqqas li jidentifikaw fil-proċess ta' monitoraġġ taħt il-paragrafu lill-ENTSO għall-Elettriku, lill-awtoritajiet regolatorji tar-reġjun ta' tħaddim tas-sistema, lill- ACERu lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra tal-Istati Membri responsabbli mill-prevenzjoni u mill-ġestjoni tas-sitwazzjonijiet ta' kriżi. Abbażi ta' dak ir-rapport, l-awtoritajiet regolatorji rilevanti tar-reġjun ta' tħaddim tas-sistema jistgħu jipproponu miżuri biex jindirizzaw in-nuqqasijiet fiċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali.

5.   Mingħajr preġudizzju għal-ħtieġa li tiġi protetta s-sigurtà u l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjalment sensittiva, iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jippubblikaw ir-rapporti msemmija fil-paragrafi 3 u 4.

Artikolu 47

Responsabbiltà

Fil-proposti għall-istabbiliment ta' ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali skont l-Artikolu 35, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni tar-reġjun ta' tħaddim tas-sistema għandhom jinkludu l-passi meħtieġa biex ikopru r-responsabbiltà relatata mat-twettiq tal-kompiti taċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali. Il-metodu użat biex jipprovdu kopertura għandu jqis l-istatus ġuridiku taċ-ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali u l-livell ta' kopertura tal-assigurazzjoni kummerċjali disponibbli.

Artikolu 48

Pjan ta' żvilupp tan-netwerk fuq perjodu ta' għaxar snin

1.   Il-pjan ta' żvilupp tan-netwerk għall-Unjoni kollha msemmi taħt il-punt (b) tal-Artikolu 30(1) għandu jinkludi t-tfassil tan-netwerk integrat, l-iżvilupp tax-xenarju u l-valutazzjoni tal-kapaċità ta' reżiljenza tas-sistema.

Il-pjan ta' żvilupp tan-netwerk għall-Unjoni kollha għandu, b'mod partikolari:

(a)

jibni fuq pjanijiet ta' investiment nazzjonali, filwaqt li jitqiesu l-pjanijiet ta' investiment reġjonali kif imsemmijin fl-Artikolu 34(1) ta' dan ir-Regolament, u, jekk ikun il-każ, l-aspetti tal-Unjoni tal-ippjanar tan-netwerk, kif stipulat fir-Regolament (UE) Nru 347/2013; għandu jkun soġġett għal analiżi tal-benefiċċji meta mqabblin mal-kostijiet permezz tal-metodoloġija stabbilita kif stipulat fl-Artikolu 11 ta' dak ir-Regolament;

(b)

rigward l-interkonnessjonijiet transkonfinali, jibni wkoll fuq il-ħtiġijiet raġonevoli tal-utenti differenti tas-sistema u jintegra impenji fit-tul mill-investituri, kif imsemmija fl-Artikoli 44 u 51 tad-Direttiva (UE) 2019/944; u

(c)

jidentifika l-lakuni fl-investiment, b' mod partikolari, fir-rigward tal-kapaċitajiet transkonfinali.

F'dak li għandu x'jaqsam mal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu, għandha tkun annessa mal-pjan ta' żvilupp tan-netwerk għall-Unjoni kollha, reviżjoni tal-ostakoli għaż-żieda fil-kapaċitá transkonfinali tan-netwerk, li ġejjin mill-proċeduri jew prattiki ta' approvazzjoni differenti.

2.   L-ACER għandha tagħti opinjoni dwar il-pjanijiet ta' żvilupp tan-netwerk nazzjonali fuq perjodu ta' għaxar snin biex tevalwa l-konsistenza tagħhom mal-pjan ta' żvilupp tan-netwerk għall-Unjoni kollha. Jekk l-ACER tidentifika inkonsistenzi bejn il-pjanijiet ta' żvilupp tan-netwerk nazzjonali fuq perjodu ta' għaxar snin u l-pjanijiet ta' żvilupp tan-netwerk għall-Unjoni kollha, hija għandha tirrakkomanda li jkun emendat kif xieraq il-pjan ta' żvilupp tan-netwerk nazzjonali fuq perjodu ta' għaxar snin jew il-pjan ta' żvilupp tan-netwerk għall-Unjoni kollha. Jekk dan il-pjan ta' żvilupp tan-netwerk nazzjonali fuq perjodu ta' għaxar snin ikun elaborat skont l-Artikolu 51 tad-Direttiva (UE) 2019/944, l-ACER għandha tirrakkomanda lill-awtorità regolatorja nazzjonali kompetenti biex temenda l-pjan ta' żvilupp tan-netwerk nazzjonali fuq perjodu ta' għaxar snin skont l-Artikolu 51(7) ta' dik id-Direttiva u tinforma lill-Kummissjoni dwar dan.

Artikolu 49

Mekkaniżmu ta' kumpens għall-operaturi tas-sistema ta' intertrażmissjoni

1.   L-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni għandhom jirċievu kumpens għall-kostijiet imġarrba talli ospitaw il-flussi transkonfinali tal-elettriku fuq in-netwerks tagħhom.

2.   Il-kumpens li jirriferi għalih il-paragrafu 1 għandu jitħallas mill-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni nazzjonali li minnhom joriġinaw il-flussi transkonfinali u tas-sistemi fejn jaslu l-flussi.

3.   Il-pagamenti ta' kumpens għandhom isiru fuq bażi regolari fir-rigward ta' perjodu ta' żmien partikolari li jkun għadda. L-aġġustamenti ex post ta' kumpens imħallas għandhom isiru fejn meħtieġ biex jikkorrispondu mal-kostijiet realment imġarrba.

L-ewwel perjodu ta' żmien li għalih għandu jsir pagament ta' kumpens għandu jiġi determinat fil-linji gwida msemmija fl-Artikolu 61.

4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 68 biex jissumplimentaw dan ir-Regolament, biex jistabbilixxi dwar l-ammonti ta' kumpens li għandhom jitħallsu.

5.   Id-dimensjoni tal-flussi transkonfinali ospitati u d-dimensjoni tal-flussi transkonfinali denominati bħala li joriġinaw jew jitterminaw f'sistemi ta' trażmissjoni nazzjonali għandhom jiġu determinati fuq il-bażi tal-flussi fiżiċi tal-elettriku li attwalment jiġu mkejla matul perjodu ta' żmien partikolari.

6.   Il-kostijiet imġarrba għall-ospitar tal-flussi transkonfinali għandhom ikunu stabbiliti fuq il-bażi tal-kostijiet medji inkrimentali mistennija għat-tul ta' żmien li ġej, meta wieħed jikkunsidra t-telf, l-investiment f'infrastruttura ġdida, u l-proporzjon xieraq tal-kost fuq l-infrastruttura eżistenti, sa fejn l-infrastruttura tkun użata għat-trażmissjoni tal-flussi transkonfinali, partikolarment billi tiġi kkunsidrata l-ħtieġa li tkun iggarantita s-sigurtà tal-provvista. Meta jiġu stabbiliti l-kostijiet imġarrba, għandhom jintużaw metodoloġiji rikonoxxuti ta' kost standard. Il-benefiċċji li netwerk igawdi minnhom għall-ospitar ta' flussi transkonfinali għandhom jiġu kkunsidrati biex jitnaqqas il-kumpens riċevut.

7.   Għall-iskop biss tal-mekkaniżmu ta' kumpens tal-operatur tas-sistema ta' intertrażmissjoni meta n-netwerks ta' trażmissjoni ta' żewġ Stati Membri jew iżjed jifformaw parti, kompletament jew parzjalment, minn blokka unika ta' kontroll, il-blokka ta' kontroll sħiħa għandha titqies li tifforma parti min-netwerk ta' trażmissjoni ta' wieħed mill-Istati Membri konċernati, sabiex jiġi evitat li flussi fil-blokki ta' kontroll jkunu kkunsidrati bħala flussi transkonfinali taħt il-punt (b) tal-Artikolu 2(2) u li jagħtu lok għal pagamenti ta' kumpens taħt il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. L-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri kkonċernati jistgħu jiddeċiedu liema mill-Istati Membri kkonċernati għandu jkun dak li l-blokka sħiħa ta' kontroll tifforma parti integrata tiegħu.

Artikolu 50

Għoti ta' informazzjoni

1.   L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi ta' koordinazzjoni u ta' skambju ta' informazzjoni biex jassiguraw is-sigurtà tan-netwerks fil-kuntest tal-ġestjoni tal-konġestjoni.

2.   L-istandards ta' sikurezza, ta' tħaddim u ta' ppjanar użati mill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom ikunu pubbliċi. L-informazzjoni ppublikata għandha tinkludi skema ġenerali għall-kalkolu tal-kapaċità totali ta' trażmissjoni u l-marġni tal-affidabbiltà tat-trażmissjoni bbażata fuq il-karatteristiċi elettriċi u fiżiċi tan-netwerks. Tali skemi għandhom ikunu soġġetti għall-approvazzjoni mill-awtoritajiet regolatorji.

3.   L-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni għandhom jippubblikaw stimi tal-kapaċità ta' trażmissjoni disponibbli għal kull jum, waqt li tkun indikata kull kapaċità ta' trasferiment diġà riservata. Dawn il-pubblikazzjonijiet għandhom isiru f'intervalli speċifikati qabel il-jum tat-trasport u għandhom jinkludu, f'kull każ, stimi tal-ġimgħa u tax-xahar minn qabel, kif ukoll indikazzjoni kwantitattiva tal-affidabbiltà mistennija tal-kapaċità disponibbli.

4.   L-operaturi ta' sistemi ta' trażmissjoni għandhom jippubblikaw id-dejta rilevanti dwar it-tbassir aggregat u d-domanda attwali, dwar id-disponibbiltà u l-użu attwali ta' assi ta' ġenerazzjoni u ta' tagħbija, dwar id-disponibbiltà u l-użu tan-netwerks u tal-interkonnessjonijiet, dwar l-ibbilanċjar tal-enerġija u l-kapaċità ta' riserva u dwar id-disponibbiltà tal-flessibbiltà. Għad-disponibbiltà u l-użu attwali ta' assi ta' ġenerazzjoni u tagħbija żgħar, tista' tintuża dejta stmata aggregata.

5.   Il-parteċipanti konċernati fis-suq għandhom jagħtu d-dejta rilevanti lill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni.

6.   L-impriżi ta' ġenerazzjoni li jkunu proprjetarji jew li joperaw assi ta' ġenerazzjoni, fejn mill-inqas assi ta' ġenerazzjoni wieħed minnhom ikollu kapaċità installata ta' mill-anqas 250 MW, jew li għandhom portafoll magħmul mill-inqas minn assi ta' ġenerazzjoni ta' 400 MW ta' assi ta' ġenerazzjoni, għal ħames snin għandhom iżommu għad-disponibbiltà tal-awtorità regolatorja, l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni u l-Kummissjoni, id-dejta ta' kull siegħa ta' kull impjant li hi meħtieġa biex tivverifika d-deċiżjonijiet operazzjonali kollha ta' dispaċċ u kif isiru l-offerti fi skambji tal-enerġija, fl-irkanti ta' interkonnessjonijiet, fis-swieq ta' riserva u fis-swieq barra l-Borża. L-informazzjoni għal kull impjant u kull siegħa li għandha tinħażen għandha tinkludi, iżda mhux limitata għal, dejta dwar il-kapaċità ta' ġenerazzjoni disponibbli u r-riservi impenjati, inkluża l-allokazzjoni ta' dawk ir-riservi impenjati fuq il-livell ta' kull impjant, fil-waqt meta jsiru l-offerti u meta sseħħ il-produzzjoni.

7.   L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jiskambjaw regolarment sett ta' dejta tan-netwerk u tal-fluss tat-tagħbija preċiż biżżejjed sabiex jippermetti li jsiru l-kalkoli tal-fluss tat-tagħbija għal kull operatur tas-sistema ta' trażmissjoni fiż-żona rilevanti tiegħu. L-istess sett ta' dejta għandu jkun disponibbli għall-awtoritajiet regolatorji, u għall-Kummissjoni u l-Istati Membri fuq talba. L-awtoritajiet regolatorji, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jittrattaw dak is-sett ta' dejta b'mod kunfidenzjali u għandhom jiżguraw li dak it-trattament kunfidenzjali jingħata wkoll minn kwalunkwe konsulent li jwettaq ħidma analitika fuq talba tagħhom abbażi ta' dik id-dejta.

Artikolu 51

Ċertifikazzjoni tal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha teżamina kwalunkwe notifika ta' deċiżjoni dwar iċ-ċertifikazzjoni ta' operatur ta' sistema ta' trażmissjoni kif stabbilit fl-Artikolu 52(6) tad-Direttiva (UE) 2019/944 hekk kif tirċeviha. Fi żmien xahrejn minn meta tirċievi din in-notifika, il-Kummissjoni għandha tagħti l-opinjoni tagħha lill-awtorità regolatorja rilevanti fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mal-Artikolu 43 u jew l-Artikolu 52(2) jew l-Artikolu 53 tad-Direttiva (UE) 2019/944.

Fit-tħejjija tal-opinjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni tista' titlob lill-ACER tagħti l-opinjoni tagħha dwar id-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja. F'tali każ, il-perjodu ta' xahrejn imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jittawwal b'xahrejn oħra.

Fin-nuqqas ta' opinjoni mill-Kummissjoni fil-perjodi msemmijin fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, il-Kummissjoni għandha titqies li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra d-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja.

2.   Fi żmien xahrejn minn meta tirċievi opinjoni tal-Kummissjoni, l-awtorità regolatorja għandha tadotta d-deċiżjoni finali tagħha rigward iċ-ċertifikazzjoni tal-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni, filwaqt li tieħu kont kemm jista' jkun ta' dik l-opinjoni. Id-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja u l-opinjoni tal-Kummissjoni għandhom jiġu pubblikati flimkien.

3.   Fi kwalunkwe waqt matul il-proċedura, l-awtoritajiet regolatorji jew il-Kummissjoni jistgħu jitolbu lill-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni jew lill-impriżi li jwettqu kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet ta' ġenerazzjoni jew ta' provvista, kull informazzjoni rilevanti għat-twettiq tal-kompiti tagħhom taħt dan l-Artikolu.

4.   L-awtoritajiet regolatorji u l-Kummissjoni għandhom jipproteġu l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

5.   Fejn il-Kummissjoni tkun irċeviet notifika taċ-ċertifikazzjoni ta' operatur ta' sistema ta' trażmissjoni taħt l-Artikolu 43(9) tad-Direttiva (UE) 2019/944, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar iċ-ċertifikazzjoni. L-awtorità regolatorja għandha tikkonforma mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

KAPITOLU VI

TĦADDIM TAS-SISTEMA TA' DISTRIBUZZJONI

Artikolu 52

Entità Ewropea għall-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni

1.   L-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni għandhom jikkooperaw fil-livell tal-Unjoni bl-entitàl-entità tal-UE għad-DSO, sabiex jippromwovu l-ikkompletar u l-funzjonament tas-suq intern tal-elettriku u biex jippromwovu l-ġestjoni ottimali u operazzjoni koordinata tas-sistemi ta' trażmissjoni u ta' distribuzzjoni. L-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni li jixtiequ jipparteċipaw fl-entità tal-UE għad-DSO għandu jkollhom id-dritt lijirreġistraw bħala membri tal-entità.

Il-membri reġistrati jistgħu jipparteċipaw fl-entità tal-UE għad-DSO direttament jew ikunu rappreżentati minn assoċjazzjoni nazzjonali maħtura mill-Istat Membru jew minn assoċjazzjoni fuq livell tal-Unjoni.

2.   L-entità tal-UE għad-DSO għandha twettaq il-kompiti u l-proċeduri f'konformità mal-Artikolu 55. Bħala entità esperta li taħdem għall-interess komuni tal-Unjoni, l-entità tal-UE għad-DSO m'għandha la tirrappreżenta interessi partikolari u lanqas tfittex li tinfluwenza l-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet sabiex tippromwovi interessi speċifiċi.

3.   Il-membri tal-entità tal-UE għad-DSO għandhom ikunu soġġetti għar-reġistrazzjoni u għall-ħlas ta' tariffa ta' sħubija ġusta u proporzjonata li tirrifletti in-numru ta' klijenti konnessi mal-operatur tas-sistema ta' distribuzzjoni konċernat.

Artikolu 53

L-istabbiliment tal-entità tal-UE għad-DSO

1.   L-entità tal-UE għad-DSO għandha tikkonsisti, mill-inqas, minn assemblea ġenerali, bord tad-diretturi, grupp strateġiku ta' konsulenti, gruppi ta' esperti u segretarju ġenerali.

2.   Sal-5 ta' Lulju 2020, l-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni u lill-ACER l-abbozz tal-istatuti f'konformità mal-Artikolu 54, inkluż kodiċi ta' kondotta, lista tal-membri rreġistrati, l-abbozz tar-regoli ta' proċedura, inklużi r-regoli tal-proċeduri tal-konsultazzjoni mal-ENTSO tal-Elettriku u partijiet ikkonċernati oħra u r-regoli għall-iffinanzjar, sabiex tiġi stabbilita l-entità tal-UE għad-DSO.

L-abbozz tar-regoli ta' proċedura tal-entità tal-UE għad-DSO għandu jiżgura rappreżentanza bbilanċjata tal-parteċipanti kollha tal-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni.

3.   Fi żmien xahrejn mill-wasla tal-abbozz tal-istatuti, il-lista tal-membri u l-abbozz tar-regoli ta' proċedura, l-ACER għandha tagħti l-opinjoni tagħha lill-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-partijiet ikkonċernati kollha, b'mod partikolari lill-utenti tas-sistema ta' distribuzzjoni.

4.   Fi żmien tliet xhur mill-wasla tal-opinjoni tal-ACER, il-Kummissjoni għandha tagħti opinjoni dwar l-abbozz tal-istatuti, il-lista tal-membri u l-abbozz tar-regoli ta' proċedura, filwaqt li tqis l-opinjoni tal-ACER kif prevista fil-paragrafu 3.

5.   Fi żmien tliet xhur mill-wasla tal-opinjoni pożittiva tal-Kummissjoni, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jistabbilixxu entità tal-UE għad-DSO u għandhom jadottaw u jippubblikaw l-istatuti u r-regoli ta' proċedura tagħha.

6.   Id-dokumenti msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni u lill-ACER fejn ikun hemm bidliet fihom jew fuq talba motivata ta' kwalunkwe waħda minnhom. Il-Kummissjoni u l-ACER għandhom jagħtu l-opinjoni tagħhom f'konformità mal-proċess stabbilit fil-paragrafi 2, 3 u 4.

7.   Il-kostijiet relatati mal-attivitajiet tal-entità tal-UE għad-DSO għandhom jiġġarbu mill-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni li huma membri rreġistrati u għandhom jitqiesu fil-kalkolu tat-tariffi. L-awtoritajiet regolatorji għandhom japprovaw biss il-kostijiet li huma raġonevoli u proporzjonati.

Artikolu 54

Regoli u proċeduri prinċipali tal-entità tal-UE għad-DSO

1.   L-istatuti tal-entità tal-UE għad-DSO adottati skont l-Artikolu 53 għandhom iħarsu l-prinċipji li ġejjin:

(a)

il-parteċipazzjoni fil-ħidma tal-entità tal-UE għad-DSO hija limitata għal membri rreġistrati bil-possibbiltà ta' delega fi ħdan is-sħubija;

(b)

id-deċiżjonijiet strateġiċi dwar l-attivitajiet tal-entità tal-UE għad-DSO, kif ukoll il-linji gwida ta' politika għall-bord tad-diretturi, jiġu adottati mill-assemblea ġenerali;

(c)

id-deċiżjonijiet tal-assemblea ġenerali huma adottati skont ir-regoli li ġejjin:

(i)

kull membru jkollu numru ta' voti proporzjonali għan-numru tal- klijenti ta' dak il-membru;

(ii)

65 % tal-voti attribwiti lill-membri jintefgħu; u

(iii)

id-deċiżjoni hija adottata minn maġġoranza ta' 55 % tal-membri;

(d)

id-deċiżjonijiet tal-assemblea ġenerali huma miċħuda skont ir-regoli li ġejjin:

(i)

kull membru jkollu numru ta' voti proporzjonali għan-numru tal- klijenti ta' dak il-membru;

(ii)

35 % tal-voti attribwiti lill-membri jintefgħu; u

(iii)

id-deċiżjoni hija miċħuda minn tal-anqas minn 25 % tal-membri;

(e)

il-bord tad-diretturi jiġi elett mill-assemblea ġenerali għal mandat massimu ta' erba' snin;

(f)

il-bord tad-diretturi jinnomina lill-President u lit-tliet Viċi Presidenti minn fost il-membri tal-bord;

(g)

il-kooperazzjoni bejn operaturi ta' sistema ta' trażmissjoni u operaturi ta' sistema ta' distribuzzjoni skont l-Artikoli 56 u 57 titmexxa mill-bord tad-diretturi;

(h)

id-deċiżjonijiet tal-bord tad-diretturi jiġu adottati b'maġġoranza assoluta;

(i)

abbażi ta' proposta mill-bord tad-diretturi, is-segretarju ġenerali jinħatar mill-assemblea ġenerali minn fost il-membri tagħha għal mandat ta' erba' snin, li jista' jiġġedded darba;

(j)

abbażi ta' proposta mill-bord tad-diretturi, il-Gruppi ta' Esperti jinħatru mill-assemblea ġenerali u ma jaqbżux it-30 membru, bil-possibbiltà li terz tal-membri ikunu ġejjin minn barra s-sħubija fl-entità tal-UE għad-DSO; barra minn hekk, għandu jiġi stabbilit grupp ta' esperti ta' “pajjiż wieħed” u għandu jkun stabbilit u għandu jikkonsisti minn rappreżentant wieħed tal-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni minn kull Stat Membru.

2.   Il-proċeduri adottati mill-entità tal-UE għad-DSO għandhom jissalvagwardjaw it-trattament ġust u proporzjonat tal-membri tagħha u għandhom jirriflettu l-istruttura ġeografika u ekonomika diversa tas-sħubija tagħha. B'mod partikolari, il-proċeduri għandhom jipprevedu li:

(a)

il-bord tad-diretturi jkun kompost mill-President tal-Bord u minn 27 rappreżentant tal-membri, li minnhom:

(i)

disgħa jkunu rappreżentanti ta' membri b'aktar minn miljun utent tal-grilja;

(ii)

disgħa jkunu rappreżentanti ta' membri b'aktar minn 100 000 u inqas minn miljun utent tal-grilja; u

(iii)

disgħa jkunu rappreżentanti ta' membri b'inqas minn 100 000 utent tal-grilja;

(b)

rappreżentanti ta' assoċjazzjonijiet eżistenti ta' DSO huma permessi li jipparteċipaw bħala osservaturi fil-laqgħat tal-bord tad-diretturi;

(c)

il-bord tad-diretturi mhux permess li jkun magħmul minn aktar minn tliet rappreżentanti ta' membri bbażati fl-istess Stat Membru jew fl-istess grupp industrijali;

(d)

kull Viċi President tal-Bord huwa nnominat minn fost ir-rappreżentanti tal-membri f'kull kategorija deskritta fil-punt (a);

(e)

rappreżentanti ta' membri li huma bbażati fi Stat Membru wieħed jew l-istess grupp industrijali ma jikkostitwuwx il-maġġoranza tal-parteċipanti tal-Grupp ta' Esperti;

(f)

il-bord tad-diretturi jistabbilixxi grupp Strateġiku Konsultattiv li jipprovdi l-opinjoni tiegħu lill-bord tad-diretturi u l-Gruppi ta' Esperti u jikkonsisti f'rappreżentanti tal-assoċjazzjonijiet ta' DSOs Ewropej u rappreżentanti ta' dawk l-Istati Membri li mhumiex rappreżentati fuq il-bord tad-diretturi.

Artikolu 55

Kompiti tal-entità tal-UE għad-DSO

1.   Il-kompiti tal-entità tal-UE għad-DSO għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

il-promozzjoni tat-tħaddim u l-ippjanar tan-netwerks ta' distribuzzjoni u f'kooperazzjoni mat-tħaddim u l-ippjanar tan-netwerks ta' trażmissjoni;

(b)

il-faċilitazzjoni tal-integrazzjoni tar-riżorsi ta' enerġija rinnovabbli, tal-ġenerazzjoni distribwita u ta' riżorsi oħra inkorporati fin-netwerk ta' distribuzzjoni bħall-ħżin tal-enerġija;

(c)

il-faċilitazzjoni tar-rispons u l-flessibbiltà min-naħa tad-domanda u l-aċċess tal-utenti tal-grilja ta' distribuzzjoni għas-swieq;

(d)

il-kontribut għad-diġitalizzazzjoni tas-sistemi ta' distribuzzjoni inkluż l-użu ta' grilji intelliġenti u ta' sistemi ta' kejl intelliġenti;

(e)

l-appoġġ għall-iżvilupp ta' ġestjoni tad-dejta, sigurtà ċibernetika u protezzjoni tad-dejta b'kooperazzjoni mal-awtoritajiet rilevanti u l-entitajiet regolati;

(f)

il-parteċipazzjoni fl-iżvilupp tal-kodiċijiet tan-netwerk li huma rilevanti għat-tħaddim u l-ippjanar tal-grilji ta' distribuzzjoni u t-tħaddim ikkoordinat tan-netwerks ta' trażmissjoni u n-netwerks ta' distribuzzjoni skont l-Artikolu 59.

2.   Barra minn hekk l-entità tal-UE għad-DSO għandha:

(a)

tikkoopera mal-ENTSO għall-Elettriku dwar is-sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-kodiċijiet tan-netwerk u tal-linji gwida adottati skont dan ir-Regolament li huma rilevanti għat-tħaddim u l-ippjanar tal-grilji ta' distribuzzjoni u t-tħaddim koordinat tan-netwerks ta' trażmissjoni u n-netwerks ta' distribuzzjoni;

(b)

tikkoopera mal-ENTSO għall-Elettriku u tadotta l-aħjar prattiki dwar it-tħaddim u l-ippjanar koordinat tas-sistemi ta' trażmissjoni u ta' distribuzzjoni inklużi kwistjonijiet bħall-iskambju ta' dejta bejn operaturi u koordinazzjoni tar-riżorsi ta' enerġija distribwiti;

(c)

taħdem biex tidentifika l-aħjar prattiki fl-oqsma identifikati fil-paragrafu 1 u biex tintroduċi t-titjib fl-effiċjenza tal-enerġija fin-netwerk ta' distribuzzjoni;

(d)

tadotta programm ta' ħidma annwali u rapport annwali;

(e)

topera skontil-liġi tal-kompetizzjoni u tiżgura n-newtralità.

Artikolu 56

Konsultazzjonijiet fil-proċess ta' żvilupp tal-kodiċi tan-netwerk

1.   Filwaqt li tipparteċipa fl-iżvilupp tal-kodiċijiet ġodda tan-netwerk skont l-Artikolu 59, l-entità tal-UE għad-DSO għandha twettaq proċess ta' konsultazzjoni estensiv, fi stadju bikri u b'mod miftuħ u trasparenti, li jkun jinvolvi lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha u, b'mod partikolari, organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw tali partijiet ikkonċernati, skont ir-regoli ta' proċedura dwar konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 53. Dik il-konsultazzjoni għandha tinvolvi wkoll lill-awtoritajiet regolatorji u awtoritajiet nazzjonali oħrajn, l-impriżi ta' forniment u ta' ġenerazzjoni, l-utenti tas-sistema, inklużi l-klijenti, il-korpi tekniċi u l-pjattaformi tal-partijiet ikkonċernati. Il-konsultazzjoni għandha l-għan li tidentifika l-opinjonijiet u l-proposti tal-partijiet rilevanti kollha waqt il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet.

2.   Id-dokumenti u l-minuti kollha tal-laqgħat relatati ma' dawn il-konsultazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu pubbliċi.

3.   L-entità tal-UE għad-DSO għandha tqis l-opinjonijiet mogħtija waqt il-konsultazzjonijiet. Qabel ma jiġu adottati l-proposti għall-kodiċijiet tan-netwerk imsemmija fl-Artikolu 59, l-entità tal-UE għad-DSO għandha tindika kif qieset l-osservazzjonijiet li rċeviet waqt il-konsultazzjoni. Din għandha tagħti raġunijiet fejn hi ma tkunx qieset tali osservazzjonijiet.

Artikolu 57

Kooperazzjoni bejn l-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni u l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni

1.   L-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni u l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jikkooperaw ma' xulxin biex jippjanaw u jħaddmu n-netwerks tagħhom. B'mod partikolari, l-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni u l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jiskambjaw l-informazzjoni u d-dejta kollha meħtieġa dwar, il-prestazzjoni tal-assi ta' ġenerazzjoni u r-rispons fin-naħa tad-domanda, it-tħaddim ta' kuljum tan-netwerks tagħhom u l-ippjanar fit-tul tal-investimenti tan-netwerk sabiex jiġu żgurati l-iżvilupp u t-tħaddim kosteffiċjenti, sigur u affidabbli tan-netwerks tagħhom.

2.   L-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni u l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jikkooperaw flimkien sabiex jiksbu aċċess koordinat għar-riżorsi bħall-ġenerazzjoni distribwita, il-ħżin tal-enerġija jew ir-rispons tad-domanda li jistgħu jappoġġaw il-ħtiġijiet partikolari kemm tal-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni kif ukoll tal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni.

KAPITOLU VII

KODIĊIJIET TAN-NETWERK U LINJI GWIDA

Artikolu 58

Adozzjoni tal-kodiċijiet tan-netwerk u tal-linji gwida

1.   Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni jew atti delegati mingħajr preġudizzju għas-setgħat mogħtija fl-Artikoli 59, 60 u 61. Dawn l-atti jistgħu jew jiġu adottati bħala kodiċijiet tan-netwerk abbażi tal-proposti tat-test żviluppati mill-ENTSO għall-Elettriku, jew, fejn jiġi previst fil-lista ta' prijorità skont l-Artikolu 59(3), mill-entità tal-UE għad-DSO, fejn rilevanti f'kooperazzjoni mal-ENTSO għall-Elettriku, u mill-ACER skont il-proċedura fl-Artikolu 59, jew bħala linji gwida skont il-proċedura fl-Artikolu 61.

2.   Il-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida għandhom:

(a)

jiżguraw li dawn jipprovdu livell minimu ta' armonizzazzjoni meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet ta' dan ir-Regolament;

(b)

iqisu l-ispeċifiċitajiet reġjonali, fejn xieraq;

(c)

ma jmorrux lil hinn minn dak li hu meħtieġ għall-għanijiet tal-punt (a); u

(d)

jkunu mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jistabbilixxu kodiċijiet tan-netwerk nazzjonali li ma jaffettwawx il-kummerċ transżonali.

Artikolu 59

Stabbiliment tal-Kodiċijiet tan-Netwerk

1.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta atti ta' implimentazzjoni sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament permezz tal-istabbiliment ta' kodiċijiet tan-netwerk fl-oqsma li ġejjin:

(a)

regoli ta' sigurtà u affidabbiltà tan-netwerk inklużi regoli għal kapaċità ta' riserva ta' trażmissjoni teknika għas-sigurtà operazzjonali tan-netwerk kif ukoll ir-regoli ta' interoperabbiltà li jimplimentaw l-Artikoli 34 sa 47 u l-Artikolu 57 ta' dan ir-Regolament u l-Artikolu 40 tad-Direttiva (UE) 2019/944, inkluż regoli dwar l-istati tas-sistema, l-azzjonijiet ta' rimedju u l-limiti tas-sigurtà operazzjonali, il-kontroll tal-vultaġġ u l-ġestjoni tal-potenza reattiva, il-ġestjoni tal-kurrent f'ċirkwit kort, il-ġestjoni tal-flussi tal-enerġija, analiżi u mmaniġġjar tal-kontinġenzi, tagħmir u skemi ta' protezzjoni, skambju ta' dejta, il-konformità, it-taħriġ, l-analiżi tal-ippjanar operazzjonali u tas-sigurtà, il-koordinazzjoni tas-sigurtà operazzjonali reġjonali, il-koordinazzjoni tal-indisponibbiltà, il-pjanijiet tad-disponibbiltà tal-assi rilevanti, analiżi tal-adegwatezza, servizzi anċillari, l-iskedar, u l-ambjenti ta' dejta għall-ippjanar operazzjonali;

(b)

allokazzjoni ta' kapaċità u regoli dwar il-ġestjoni tal-konġestjoni li jimplimentaw l-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2019/944 u l-Artikolu 7 sa 10, ll-Artikoli 13 sa 17 u l-Artikoli 35 sa 37 ta' dan ir-Regolament, inkluż regoli dwar il-metodoloġiji u proċessi tal-kalkolu tal-kapaċità ġurnata bil-quddiem, tal-istess ġurnata u bil-quddiem, mudelli tal-grilja, il-konfigurazzjoni taż-żona tal-offerti, dispaċċ mill-ġdid u skambju kompensatorju, algoritmi ta' negozjar, akkoppjament singolu ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata, ċertezza tal-kapaċità transżonali allokata, il-qsim tal-introjtu mill-konġestjoni, iħħeġġjar kontra r-riskju transżonali tat-trażmissjoni, il-proċeduri ta' nomina, u allokazzjoni tal-kapaċità u rkupru tal-ispiża tal-ġestjoni tal-konġestjoni;

(c)

regoli li jimplimentaw l-Artikoli 5, 6 u 17 fir-rigward tal-kummerċ relatat mal-provvista teknika u operazzjonali tas-servizzi ta' aċċess għan-netwerk u l-ibbilanċjar tas-sistema inklużi regoli dwar ir-riserva tal-enerġija relatati man-netwerk, inklużi funzjonijiet u responsabbiltajiet, il-pjattaformi għall-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar, il-ħinijiet tal-għeluq, ir-rekwiżiti għall-prodotti tal-ibbilanċjar standard u speċifiċi, l-akkwist ta' servizzi tal-ibbilanċjar, l-allokazzjoni tal-kapaċità transżonali għall-iskambju ta' servizzi tal-ibbilanċjar jew il-kondiviżjoni tar-riservi, is-saldu tal-enerġija ta' bbilanċjar, is-saldu ta' skambji tal-enerġija bejn l-operaturi tas-sistema, is-saldu tal-iżbilanċi u s-saldu tal-kapaċità tal-ibbilanċjar, il-kontroll tal-frekwenza tat-tagħbija, id-definizzjoni tal-kwalità tal-frekwenza u l-parametri fil-mira, ir-riservi ta' konteniment tal-frekwenza, ir-riservi ta' restawr tal-frekwenza, ir-riservi ta' sostituzzjoni, l-iskambju u l-kondiviżjoni tar-riservi, il-proċessi ta' attivazzjoni traskonfinali tar-riservi, il-proċessi tal-kontroll tal-ħin u t-trasparenza tal-informazzjoni;

(d)

regoli li jimplimentaw l-Artikoli 36, 40 u 54 tad-Direttiva (UE) 2019/944, fir-rigward ta' forniment nondiskriminatorju u trasparenti ta' servizzi anċillari mhux tal-frekwenza, inklużi regoli dwar l-kontroll tal-voltaġġ tal-istatiċità, l-inerzja, l-injezzjoni ta' kurrent b'reattività mgħaġġla, inerzja għall-istabbiltà tal-grilja, kurrent f'ċirkwit kort, l-abilità ta' startjar minn mitfi totali u l-abilità ta' operat ta' netwerk iżolat;

(e)

regoli li jimplimentaw l-Artikolu 57 ta' dan ir-Regolament u l-Artikoli 17, 31, 32, 36, 40 u 54 tad-Direttiva (UE) 2019/944 fir-rigward tar-rispons tad-domanda, inklużi regoli dwar l-aggregazzjoni, il-ħżin tal-enerġija, u t-tnaqqis fid-domanda.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 67(2).

2.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 68 li jissupplementaw dan ir-Regolament fir-rigward ta' l-istabbiliment ta' kodiċijiet tan-netwerk fl-oqsma li ġejjin:

(a)

regoli dwar il-konnessjoni man-netwerk inkluż regoli dwar konnessjoni ta' faċilitajiet tad-domanda konnessi għat-trażmissjoni, faċilitajiet tad-distribuzzjoni konnessi għat-trażmissjoni u s-sistemi tad-distribuzzjoni, konnessjoni ta' unitajiet tad-domanda użati biex jipprovdu rispons tad-domanda, rekwiżiti għall-konnessjoni tal-ġeneraturi mal-grilja, rekwiżiti għal konnessjoni mal-grilja b'kurrent dirett b'vultaġġ għoli, ir-rekwiżiti għal moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'kurrent dirett ta' konverżjoni u l-istazzjonijiet ta' konverżjoni ta' kurrent dirett ta' vultaġġ għoli mbiegħda, u proċeduri ta' notifika operazzjonali għal konnessjoni mal-grilja;

(b)

regoli dwar l-iskambju ta' dejta, is-saldu u t-trasparenza, inklużi b'mod partikolari regoli dwar kapaċitajiet ta' trasferiment għal orizzonti ta' żmien rilevanti, stimi u valuri reali dwar l-allokazzjoni u l-użu ta' kapaċitajiet ta' trasferiment, tbassir u domanda reali tal-faċilitajiet u l-aggregazzjoni tagħhom inkluż in-nuqqas ta' disponibbiltà ta' faċilitajiet, tbassir u l-ġenerazzjoni proprja ta' unitajiet ta' ġenerazzjoni u l-aggregazzjoni tagħhom inkluż in-nuqqas ta' disponibbiltà ta' unitajiet, disponibbiltà u użu ta' netwerks, miżuri ta' ġestjoni tal-konġestjoni u dejta dwar is-suq tal-ibbilanċjar. Ir-regoli għandhom jinkludu modi li bihom l-informazzjoni tiġi ppubblikata, iż-żmien tal-pubblikazzjoni, l-entitajiet responsabbli għall-immaniġġar;

(c)

regoli ta' aċċess għal partijiet terzi;

(d)

proċeduri ta' emerġenza u restawr operazzjonali f'emerġenza inkluż pjanijiet tad-difiża tas-sistema, pjanijiet ta' restawr, l-interazzjonijiet tas-swieq, l-iskambju ta' informazzjoni u l-komunikazzjoni u l-għodod u l-faċilitajiet;

(e)

regoli speċifiċi għas-settur dwar l-aspetti taċ-ċibersigurtà għall-flussi transkonfinali tal-elettriku, inklużi regoli dwar rekwiżiti minimi komuni, l-ippjanar, il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-ġestjoni tal-kriżijiet.

3.   Il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta mal-ACER, mal-ENTSO għall-Elettriku, mal-entità tal-UE għad-DSO u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti l-oħrajn, kull tliet snin tistabbilixxi lista ta' prijoritajiet li tidentifika l-oqsma stipulati fil-paragrafi 1 u 2 li jridu jiġu inklużi fl-iżvilupp tal-kodiċijiet tan-netwerk.

Jekk is-suġġett tal-kodiċi tan-netwerk ikun direttament relatat mat-tħaddim tas-sistema ta' distribuzzjoni u mhux primarjament rilevantigħas-sistema ta' trażmissjoni, il-Kummissjoni tista' titlob lill-entità tal-UE għad-DSO, f'kooperazzjoni mal-ENTSO għall-Elettriku, biex tlaqqa' kumitat għall-abbozzar u tippreżenta proposta għal kodiċi tan-netwerk lill-ACER.

4.   Il-Kummissjoni għandha titlob lill-ACER sabiex din tippreżentalha fi żmien raġonevoli li ma jaqbiżx sitt xhur minn meta tirċievi t-talba tal-Kummissjoni linji gwida ta' qafas mhux vinkolanti li jistabbilixxu prinċipji ċari u oġġettivi għall-iżvilupp tal-kodiċijiet tan-netwerk relatat mal-oqsma identifikati fil-lista ta' prijorità (linja gwida ta' qafas). It-talba tal-Kummissjoni tista' tinkludi kundizzjonijiet li għandhom jiġu indirizzati mil-linji gwida ta' qafas. Kull linja gwida ta' qafas għandha tikkontribwixxi għall-integrazzjoni tas-suq, għan-nuqqas ta' diskriminazzjoni, għall-kompetizzjoni effettiva u għall-funzjonament effiċjenti tas-suq. Fuq talba raġunata mill-ACER, il-Kummissjoni tista' testendi il-perjodu għall-preżentazzjoni tal-linji gwida.

5.   L-ACER għandha tikkonsulta lill-ENTSO għall-Elettriku, lill-entità tal-UE għad-DSO u lill-partijiet ikkonċernati rilevanti l-oħrajn dwar il-linja gwida ta' qafas, matul perjodu ta' mhux inqas minn xahrejn, b'mod miftuħ u trasparenti.

6.   Meta tiġi mitluba, l-ACER għandha tippreżenta lill-Kummissjoni,linji gwida ta' qafas mhux vinkolanti skont il-paragrafu 4.

7.   Jekk il-Kummissjoni tqis li l-linji gwida ta' qafas ma jikkontribwixxux għall-integrazzjoni tas-suq, għan-nuqqas ta' diskriminazzjoni, għall-kompetizzjoni effettiva u għall-funzjonament effiċjenti tas-suq, hija tista' titlob lill-ACER biex tirrevedi l-linji gwida ta' qafas f'perjodu raġonevoli, u terġa' tippreżentahom lill-Kummissjoni.

8.   Jekk l-ACER tonqos milli tippreżenta jew li tippreżenta mill-ġdid il-linji gwida ta' qafas fil-limitu ta' żmien stabbilit mill-Kummissjoni taħt il-paragrafi 4 jew 7, il-Kummissjoni għandha tiżviluppa l-linji gwida ta' qafas inkwistjoni.

9.   Il-Kummissjoni għandha titlob lill-ENTSO għall-Elettriku jew, fejn previst fil-lista ta' prijorità msemmija fil-paragrafu 3, l-entità tal-UE għad-DSO f'kooperazzjoni mal-ENTSO għall-Elettriku, biex jippreżenta lill-ACER proposta għal kodiċi tan-netwerk li jikkonforma mal-linja gwida ta' qafas, f'perjodu raġonevoli ta' mhux aktar minn 12-il xahar minn meta tirċievi t-talba tal-Kummissjoni.

10.   L-ENTSO għall-Elettriku, jew fejn previst fil-lista ta' prijorità msemmija fil-paragrafu 3 l-entità tal-UE għad-DSO, f'koopereazzjoni mal-ENTO għall-Elettriku, għandu jlaqqa' kumitat għall-abbozzar biex jappoġġah fil-proċess ta' żvilupp tal-kodiċijiet tan-netwerk. Il-kumitat għall-abbozzar għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-ACER, l-ENTSO għall-Elettriku, fejn xieraq l-entità tal-UE għad-DSOu ln-NEMOs, u għadd limitat tal-partijiet ikkonċernati affettwati ewlenin. L-ENTSO għall-Elettriku jew fejn previst fil-lista ta' prijorità skont il-paragrafu 3 l-entità tal-UE għad-DSO, f'kooperazzjoni mal-ENTSO għall-Elettriku għandu jiżviluppa proposti għal kodiċijiet tan-netwerk fl-oqsma msemmija fil-paragrafi 1 u 2 meta hekk mitlub mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 9.

11.   L-ACER għandha tirrevedi l-kodiċi tan-netwerk propost biex tiżgura li l-kodiċi tan-netwerk li għandu jiġi adottat jikkonforma mal-linji gwida ta' qafas rilevanti u li jikkontribwixxi għall-integrazzjoni tas-suq, għan-nuqqas ta' diskriminazzjoni, għall-kompetizzjoni effettiva u għall-funzjonament effiċjenti tas-suq u, għandha tippreżenta l-kodiċi tan-netwerk rivedut lill-Kummissjoni fi żmien sitt xhur minn meta tirċievi l-proposta. Fil-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni, l-ACER għandha tqis l-opinjonijiet mogħtija mill-partijiet kollha involuti waqt l-abbozzar tal-proposta mmexxija mill-ENTSO għall-Elettriku jew mill-entità tal-UE għad-DSO u għandha tikkonsulta lill-partijiet ikkonċernati rilevanti dwar il-verżjoni li trid tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni.

12.   Meta l-ENTSO għall-Elettriku jew l-entità tal-UE għad-DSO jkunu naqsu milli jiżviluppaw kodiċi tan-netwerk fil-perjodu stabbilit mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 9, il-Kummissjoni tista' titlob lill-ACER biex tħejji abbozz ta' kodiċi tan-netwerk fuq il-bażi tal-linji gwida ta' qafas rilevanti. L-ACER tista' tniedi konsultazzjoni oħra matul it-tħejjija ta' abbozz ta' kodiċi tan-netwerk taħt dan il-paragrafu. L-ACER għandha tippreżenta lill-Kummissjoni abbozz ta' kodiċi tan-netwerk imħejji taħt dan il-paragrafu u tista' tirrakkomanda li jiġi adottat.

13.   Il-Kummissjoni tista' tadotta, fuq inizjattiva tagħha stess, meta l-ENTSO għall-Elettriku jew l-entità tal-UE għad-DSO jkunu naqsu milli jiżviluppaw kodiċi tan-netwerk, jew l-ACER tkun naqset milli tħejji abbozz ta' kodiċi tan-netwerk kif imsemmi fil-paragrafu 12, jew fuq rakkomandazzjoni tal-ACER taħt il-paragrafu 11, kodiċi wieħed jew aktar tan-netwerk fl-oqsma elenkati fil-paragrafi 1 u 2.

14.   Jekk il-Kummissjoni tipproponi l-adozzjoni ta' kodiċi tan-netwerk fuq inizjattiva tagħha, hija għandha tikkonsulta lill-ACER, lill-ENTSO għall-Elettriku u lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha dwar l-abbozz ta' kodiċi tan-netwerk matul perjodu ta' mhux inqas minn xahrejn.

15.   Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kummissjoni li tadotta u temenda l-linji gwida kif stabbilit fl-Artikolu 61. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà għall-ENTSO għall-Elettriku li jiżviluppa gwida mhux vinkolanti fl-oqsma stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 fejn tali gwida ma tkunx relatata mal-oqsma koperti minn talba indirizzata lill-ENTSO għall-Elettriku mill-Kummissjoni. L-ENTSO għall-Elettriku għandu jippreżenta kwalunkwe gwida bħal din lill-ACER għal opinjoni u għandu jqis dik l-opinjoni kif xieraq.

Artikolu 60

Emendi tal-Kodiċijiet tan-Netwerk

1.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li temenda l-kodiċijiet tan-netwerk fl-oqsma elenkati fl-Artikolu 59(1) u (2) skont il-proċedura rilevanti stabbilita f'dak l-Artikolu. L-ACER tista' tipproponi wkoll emendi għall-kodiċijiet tan-netwerks skont il-paragrafi 2 sa 3 ta' dan l-Artikolu.

2.   Persuni li x'aktarx ikollhom interess fi kwalunkwe kodiċi tan-netwerk adottat taħt l-Artikolu 59, inklużi l-ENTSO għall-Elettriku, l-entità tal-UE għad-DSO, l-awtoritajiet regolatorji, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni, l-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni, l-utenti tas-sistema u l-konsumaturi, jistgħu jipproponu abbozzi ta' emendi għal dak il-kodiċi tan-netwerk għall-ACER. L-ACER tista' wkoll tipproponi emendi fuq l-inizjattiva tagħha stess.

3.   L-ACER tista' tagħmel proposti raġunati lill-Kummissjoni għal emendi, u tispjega kif proposti bħal dawn ikunu konsistenti mal-objettivi tal-kodiċijiet tan-netwerk stipulati fl-Artikolu 59(3) ta' dan ir-Regolament. Fejn tqis li proposta għal emenda hija aċċettabbli u fejn tipproponi emendi fuq inizjattiva tagħha stess, l-ACER għandha tikkonsulta lill-partijiet ikkonċernati kollha skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2019/942.

Artikolu 61

Linji gwida

1.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta linji gwida vinkolanti fl-oqsma elenkati f'dan l-Artikolu.

2.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta linji gwida ta' atti delegati jew ta' implimentazzjoni fl-oqsma fejn atti bħal dawn jistgħu jiġu żviluppati wkoll skont il-proċedura tal-kodiċijiet tan-netwerk fl-Artikolu 59(1) u (2). Dawk il-linji gwida għandhom jiġu adottati fil-forma ta' atti delegati jew ta' implimentazzjoni, skont l-għoti tas-setgħa rilevanti previst f'dan ir-Regolament.

3.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 68 li jissupplimentaw dan ir-Regolament billi tistabbilixxi linji gwida relatati mal-mekkaniżmu ta' kumpens għal operatur tas-sistema ta' intertrażmissjoni. Dawk il-linji gwida għandhom jispeċifikaw, konformement mal-prinċipji stipulati fl-Artikoli 18 u 49:

(a)

dettalji tal-proċedura biex jiġi stabbilit liema operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni jkunu soġġetti għal ħlas ta' kumpens għall-flussi transkonfinali fosthom dawk dwar il-qsim bejn l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni nazzjonali li minnhom joriġinaw dawk il-flussi transkonfinali u s-sistemi fejn jaslu l-flussi, taħt l-Artikolu 49(2);

(b)

dettalji tal-proċedura ta' pagament li trid tiġi segwita, inkluża d-determinazzjoni tal-ewwel perjodu ta' żmien li għalih ikollu jitħallas kumpens, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(3);

(c)

metodoloġiji ddettaljati biex jiġu stabbiliti l-flussi transkonfinali ospitati li għalihom għandu jitħallas kumpens taħt l-Artikolu 49, f'termini kemm ta' kwantità u ta' tip ta' flussi, kif ukoll tad-deżinjazzjoni tad-dimensjoni ta' dawn il-flussi kif joriġinaw jew jaslu fis-sistemi ta' trażmissjoni ta' Stati Membri individwali, taħt l-Artikolu 49(5);

(d)

metodoloġija ddettaljata biex jiġu stabbiliti l-kostijiet u l-benefiċċji mġarrba għax ikunu ospitati l-flussi transkonfinali, taħt l-Artikolu 49(6);

(e)

trattament iddettaljat ta' flussi tal-elettriku li joriġinaw jew jaslu f'pajjiżi barra miż-Żona Ekonomika Ewropea fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta' kumpens tal-operatur tas-sistema ta' intertrażmissjoni; u

(f)

arranġamenti għall-parteċipazzjoni ta' sistemi nazzjonali li jkunu interkonnessi permezz ta' linji ta' kurrent diretti, taħt l-Artikolu 49.

4.   Fejn ikun il-każ, il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistipulaw il-linji gwida li jipprovdu livell minimu ta' armonizzazzjoni meħtieġ għall-finijiet ta' dan ir-Regolament. Dawk il-linji gwida jistgħu jispeċifikaw:

(a)

dettalji dwar regoli għall-kummerċ tal-elettriku li jimplimentaw l-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2019/944 u l-Artikoli 5 sa 10, 13 sa 17, 35, 36 u 37 ta' dan ir-Regolament;

(b)

dettalji dwar regoli ta' inċentiv għall-investiment għall-kapaċità ta' interkonnettur inklużi s-sinjali differenzjati skont il-lokalità li jimplimentaw l-Artikolu 19.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 67(2).

5.   Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu linji gwida dwar il-koordinazzjoni operazzjonali bejn l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni fil-livell tal-Unjoni. Dawk il-linji gwida għandhom ikunu konsistenti mal-kodiċijiet tan-netwerk imsemmijin fl-Artikolu 59 u għandhom jibnu fuqhom l-ispeċifikazzjonijiet adottati msemmija fil-punt (i) tal-Artikolu 30(1). Meta tkun qed tadotta dawn il-linji gwida, il-Kummissjoni għandha tqis ir-rekwiżiti operazzjonali reġjonali u nazzjonali li jvarjaw bejniethom.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati bi qbil mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 67(2).

6.   Meta tadotta jew temenda l-linji gwida, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-ACER, lill-ENTSO għall-Elettriku, lill-entità tal-UE għad-DSO u, fejn rilevanti, lil partijiet ikkonċernati oħra.

Artikolu 62

Dritt tal-Istati Membri li jipprovdu miżuri aktar dettaljati

Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-Istati Membri li jżommu jew idaħħlu miżuri li jkun fihom dispożizzjonijiet aktar dettaljati minn dawk imniżżla f'dan ir-Regolament, fil-linji gwida li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 61 jew fil-kodiċijiet tan-netwerk imsemmija fl-Artikolu 61, sakemm dawk il-miżuri jkunu kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni.

KAPITOLU VIII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 63

Interkonnetturi ġodda

1.   L-interkonnetturi l-ġodda tal-kurrent dirett jistgħu, fuq talba, jiġu eżentati, għal perjodu limitat, mill-Artikolu 19(2) u (3) ta' dan ir-Regolament u mill-Artikoli 6 u 43, l-Artikolu 59(7) u l-Artikolu 60(1) tad-Direttiva (UE) 2019/944 sakemm jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-investiment ikabbar il-kompetizzjoni fil-provvista tal-elettriku;

(b)

il-livell ta' riskju assoċjat mal-investiment huwa tali li l-investiment ma jsirx jekk ma tingħatax eżenzjoni;

(c)

l-interkonnettur huwa proprjetà ta' persuna fiżika jew ġuridika li mill-inqas tkun separata f'termini tal-forma ġuridika tagħha, mill-operaturi tas-sistema li l-interkonnettur għandu jinbena fis-sistemi tagħhom;

(d)

jingħataw imposti fuq l-utenti ta' dak l-interkonnettur;

(e)

mill-ftuħ parzjali tas-suq li hemm referenza għalih fl-Artikolu 19 tad-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24), ma tkun ġiet irkuprata l-ebda parti mill-kostijiet kapitali jew operattivi tal-interkonnettur minn xi komponent tal-imposti magħmula għall-użu tas-sistemi ta' trażmissjoni jew distribuzzjoni kkollegati mal-interkonnettur; u

(f)

eżenzjoni ma tkunx għad-detriment tal-kompetizzjoni jew għall-funzjonament effettiv tas-suq intern għall-elettriku, jew għall-funzjonament effiċjenti tas-sistema regolata li l-interkonnettur huwa kkollegat magħha.

2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll, f'każijiet eċċezzjonali, għal interkonnetturi ta' kurrent alternat, sakemm il-kostijiet u r-riskji tal-investiment inkwistjoni jkunu partikolarment għoljin meta mqabbla mal-kostijiet u r-riskji normalment iffaċċjati meta jkunu qegħdin jiġu konnessi żewġ sistemi ta' trażmissjoni nazzjonali ġirien minn interkonnettur ta' kurrent alternat.

3.   Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll għal żidiet sinifikanti fil-kapaċità tal-interkonnetturi eżistenti.

4.   Id-deċiżjoni li tagħti eżenzjoni kif imsemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 għandha tittieħed fuq bażi ta' każ b'każ mill-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri kkonċernati. Eżenzjoni tista' tkopri l-kapaċità kollha jew parti minnha tal-interkonnettur il-ġdid, jew tal-interkonnettur eżistenti b'żieda sinifikanti tal-kapaċità.

Fi żmien xahrejn minn meta tirċievi t-talba għall-eżenzjoni mill-aħħar awtoritajiet regolatorja kkonċernata, l-ACER tista' tipprovdi opinjoni lil dawk l-awtoritajiet regolatorji. L-awtoritajiet regolatorji jistgħu jibbażaw id-deċiżjoni tagħhom fuq dik l-opinjoni.

Meta jiddeċiedu li jagħtu eżenzjoni, l-awtoritajiet regolatorji għandhom iqisu, fuq bażi ta' każ b'każ, il-ħtieġa li jiġu imposti kundizzjonijiet rigward it-tul tal-eżenzjoni u l-aċċess mhux diskriminatorju għall-interkonnettur. Meta jiddeċiedu dwar dawk il-kundizzjonijiet,, l-awtoritajiet regolatorji għandhom b'mod partikolari iqisu l-kapaċità addizzjonali li għandha tinbena jew il-modifika tal-kapaċità eżistenti, il-perjodu ta' żmien tal-proġett u ċ-ċirkostanzi nazzjonali.

Qabel ma jagħtu eżenzjoni, l-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri kkonċernati għandhom jiddeċiedu dwar ir-regoli u l-mekkaniżmi għall-ġestjoni u l-allokazzjoni tal-kapaċità. Dawk ir-regoli ta' ġestjoni tal-konġestjoni għandhom jinkludu l-obbligu li tiġi offruta kapaċità mhux użata fis-suq, u l-utenti tal-faċilità għandhom ikunu intitolati li jagħmlu kummerċ fil-kapaċitajiet kuntrattwali tagħhom fis-suq sekondarju. Fil-valutazzjoni tal-kriterji msemmija fil-punti (a), (b) u (f) tal-paragrafu 1, għandu jittieħed kont tar-riżultati tal-proċedura tal-allokazzjoni ta' kapaċità.

Meta l-awtoritajiet regolatorji kollha kkonċernati jilħqu ftehim dwar id-deċiżjoni rigward l-eżenzjoni fi żmien sitt xhur minn meta jirċievu t-talba, dawn għandhom jinfurmaw lill-ACER b'dik id-deċiżjoni.

Id-deċiżjoni dwar l-eżenzjoni, li tinkludi kwalunkwe mill-kundizzjonijiet imsemmija fit-tielet subparagrafu ta' dan il-paragrafu, għandha tkun motivata u ppubblikata kif jixraq.

5.   Id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 4 għandha tittieħed mill-ACER:

(a)

fejn l-awtoritajiet regolatorji kkonċernati ma jkunx irnexxielhom jilħqu ftehim fi żmien sitt xhur mid-data li fiha l-aħħar waħda minn dawk l-awtoritajiet regolatorji tkun irċeviet it-talba għal eżenzjoni; jew

(b)

fuq talba konġunta mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kkonċernati.

Qabel tieħu din id-deċiżjoni, l-ACER għandha tikkonsulta lill-awtoritajiet regolatorji kkonċernati u lill-applikanti.

6.   Minkejja l-paragrafi 4 u 5, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-awtorità regolatorja jew l-ACER, skont il-każ, tippreżenta, għal deċiżjoni formali, lill-korp rilevanti fl-Istat Membru, l-opinjoni tagħha dwar it-talba għal eżenzjoni. Dik l-opinjoni għandha tiġi pubblikata flimkien mad-deċiżjoni.

7.   L-awtoritajiet regolatorji għandhom jibagħtu mingħajr dewmien, għall-finijiet ta' informazzjoni, kopja ta' kull talba għal eżenjoni lill-Kummissjoni u lill-ACER hekk kif din tiġi riċevuta. Id-deċiżjoni għandha tiġi notifikata, mingħajr dewmien, mill-awtoritajiet regolatorji kkonċernati jew mill-ACER (“il-korpi notifikatorji”) lill-Kummissjoni, flimkien mal-informazzjoni rilevanti kollha rigward id-deċiżjoni. Din l-informazzjoni tista' tkun mogħtija lill-Kummissjoni f'forma aggregata, b'tali mod li tgħin lill-Kummissjoni tasal għal deċiżjoni mibnija fuq sisien sodi. Partikolarment, l-informazzjoni għandu jkollha:

(a)

ir-raġunijiet dettaljati li abbażi tagħhom tkun ingħatat jew ġiet miċħuda l-eżenzjoni, inkluża l-informazzjoni finanzjarja li tiġġustifika l-ħtieġa għall-eżenzjoni;

(b)

l-analiżi li tkun saret dwar l-effett fuq il-kompetizzjoni u l-funzjonament effettiv tas-suq intern tal-elettriku li jirriżultaw mill-għoti tal-eżenzjoni;

(c)

ir-raġunijiet tal-perjodu taż-żmien u tas-sehem tal-kapaċità totali tal-interkonnettur ikkonċernat li għalihom ingħatat l-eżenzjoni; u

(d)

ir-riżultat tal-konsultazzjoni mal-awtoritajiet regolatorji konċernati.

8.   Fi żmien 50 jum ta' xogħol mill-jum wara dak li fih tirċievi notifika taħt il-paragrafu 7, il-Kummissjoni tista' tieħu deċiżjoni li titlob lill-korpi notifikatorji biex jemendaw jew jirtiraw id-deċiżjoni li tingħata eżenzjoni. Dak il-perjodu jista' jittawwal b'50 jum ieħor ta' xogħol meta tiġi mitluba informazzjoni ulterjuri mill-Kummissjoni. Il-perjodu addizzjonali għandu jibda l-għada li tasal l-informazzjoni kompluta. Il-perjodu inizjali jista' wkoll jiġi estiż bil-kunsens kemm tal-Kummissjoni kif ukoll tal-korpi notifikatorji.

Fejn l-informazzjoni mitluba ma tkunx ġiet ipprovduta fil-perjodu stipulat fit-talba tal-Kummissjoni, in-notifika għandha titqies li ġiet irtirata, ħlief jekk qabel l-iskadenza ta' dak il-perjodu, il-perjodu jiġi estiż bil-kunsens kemm tal-Kummissjoni kif ukoll tal-korpi notifikatorji, jew jekk il-korpi notifikatorji, f'dikjarazzjoni motivata kif xieraq, jinfurmaw lill-Kummissjoni li huma jqisu li n-notifika hija kompluta.

Il-korpi notifikatorji għandhom jikkonformaw mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex jemendaw jew jirtiraw id-deċiżjoni dwar l-eżenzjoni fi żmien xahar minn meta jirċevuha u għandhom jinformaw lill-Kummissjoni b'dan.

Il-Kummissjoni għandha tipproteġi l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

L-approvazzjoni tal-Kummissjoni għal deċiżjoni ta' eżenzjoni għandha tiskadi sentejn mid-data ta' adozzjoni tagħha, fil-każ li l-bini tal-interkonnettur ma jkunx beda sa dik id-data u wara ħames snin mill-adozzjoni tagħha jekk, sa dak iż-żmien, l-interkonnettur ma jsirx operazzjonali, ħlief jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi, abbażi ta' talba motivata mill-korpi notifikatorji, id-dewmien huwa dovut għal ostakoli kbar li mhumiex fil-kontroll tal-persuna li lilha tkun ingħatat l-eżenzjoni.

9.   Fejn l-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri kkonċernati jiddeċiedu li jimmodifikaw deċiżjoni ta' eżenzjoni, huma għandhom jinnotifikaw id-deċiżjoni tagħhom mingħajr dewmien lill-Kummissjoni, flimkien mal-informazzjoni kollha rilevanti dwar id-deċiżjoni. Il-paragrafi 1 sa 8 għandhom japplikaw għad-deċiżjoni li modifikata deċiżjoni ta 'eżenzjoni, filwaqt li jqisu l-partikolaritajiet tal-eżenzjoni eżistenti.

10.   Il-Kummissjoni tista', fuq talba jew fuq inizjattiva tagħha stess, tiftaħ mill-ġdid il-proċedimenti relatati ma' talba għal eżenzjoni fejn:

(a)

filwaqt li jitqiesu b' mod xieraq l-aspettattivi leġittimi tal-partijiet u tal-bilanċ ekonomiku miksub fl-eżenzjoni oriġinali tad-deċiżjoni, kien hemm bidla materjali ta' kwalunkwe fatt li fuqu kienet ibbażata d-deċiżjoni;

(b)

l-impriżi kkonċernati jaġixxu b'mod li jmur kontra l-impenji tagħhom; jew

(c)

id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq informazzjoni mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa li ngħatat mill-partijiet.

11.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 68 li jissupplimentaw dan ir-Regolament billi tispeċifika linji gwida għall-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u tistabbilixxi l-proċedura li għandha tkun segwita għall-applikazzjoni tal-paragrafi 4 u 7 sa 10 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 64

Derogi

1.   L-Istati Membri jistgħu japplikaw għal derogi mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikoli 3 u 6, l-Artikolu 7(1), l-Artikolu 8(1) u (4), l-Artikoli 9, 10 u 11, l-Artikoli 14 sa 17, l-Artikoli 19 sa 27, l-Artikoli 35 sa 47 u l-Artikolu 51 sakemm:

(a)

l-Istat Membru jista' juri li hemm problemi sostanzjali għat-tħaddim tas-sistemi iżolati żgħar u sistemi żgħar konnessi;.

(b)

ir-reġjuni ultraperiferiċi fis-sens tal-Artikolu 349 TFUE ma jistgħux jiġu interkonnessi fis-suq tal-Unjoni tal-enerġija għal raġunijiet fiżiċi evidenti.

Fis-sitwazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, id-deroga għandha tkun għal żmien limitat u għandha tkun soġġetta għal kundizzjonijiet li jimmiraw għal aktar kompetizzjoni u integrazzjoni fis-suq intern tal-elettriku.

Fis-sitwazzjoni msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, id-deroga m'għandhiex tkun limitata fiż-żmien.

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri b'dawk l-applikazzjonijiet qabel ma tadotta d-deċiżjoni, u tipproteġi l-kunfidenzjalità ta' informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

Deroga mogħtija taħt dan l-Artikolu għandha timmira li tiżgura li ma tfixkilx it-transizzjoni lejn enerġija rinnovabbli, aktar flessibilità, ħażna ta 'enerġija, elettromobilità u reazzjoni ta' domanda.

Fid-deċiżjoni tagħha fejn tagħti deroga l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi sa fejn id-deroga għandha tieħu kont tal-applikazzjoni tal-kodiċijiet tan-netwerk u tal-linji gwida.

2.   LArtikoli 3, 5 u 6, l-Artikolu 7(1), il-punti (c) u (g) tal-Artikolu 7(2), l-Artikoli 8 sa 17, l-Artikoli 18(5) u (6), l-Artikoli 19 u 20, l-Artikolu 21(1), (2) u (4) sa (8), il-punt (c) tal-Artikolu 22(1), (il-punt (b) u (c) tal-Artikolu 22(2), l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 22(2), l-Artikoli 23 sa 27, l-Artikolu 34(1), (2) u (3), l-Artikoli 35 sa 47, l-Artikolu 48(2) u l-Artikoli 49 u 51 ma għandhomx japplikaw għal Ċipru sakemm is-sistema ta' trażmissjoni tiegħu tkun konnessa ma' sistemi ta' trażmissjoni ta' Stati Membri oħra permezz ta' interkonnessjonijiet.

Jekk is-sistema ta' trażmissjoni ta' Ċipru ma tiġix konnessa ma' sistemi ta' trażmissjoni ta' Stati Membri oħra permezz ta' interkonnessjonijiet sal-1 ta' Jannar 2026, Ċipru għandu jivvaluta l-ħtieġa għal deroga minn dawk id-dispożizzjonijiet u jista' jippreżenta talba biex itawwal id-deroga lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tirriskjax li tikkawża problemi sostanzjali għat-tħaddim tas-sistema tal-elettriku f'Ċipru jew jekk l-applikazzjoni tagħhom f'Ċipru hijiex mistennija tipprovdi benefiċċju għall-funzjonament tas-suq. Abbażi ta' din il-valutazzjoni, il-Kummissjoni għandha toħroġ deċiżjoni motivata biex ittawwal id-deroga kollha kemm hi jew parti minnha. Id-deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

3.   Dan ir-Regolament m'għandux jaffettwa l-applikazzjoni tad-derogi mogħtija taħt l-Artikolu 66 tad-Direttiva (UE) 2019/944.

4.   Fir-rigward tal-kisba tal-mira ta' interkonnessjoni għall-2030, kif stipulat skont ir-Regolament (UE) 2018/1999, għandha titqies kif xieraq ir-rabta tal-elettriku bejn Malta u l-Italja.

Artikolu 65

Għoti ta' informazzjoni u kunfidenzjalità

1.   L-Istati Membri u l-awtoritajiet regolatorji għandhom, fuq talba, jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni kollha meħtieġa għall-finijiet ta' l-infurzar ta' dan ir-Regolament.

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi limitu ta' żmien raġonevoli li matulu l-informazzjoni għandha tkun provduta, filwaqt li tqis il-komplessità u l-urġenza tal-informazzjoni meħtieġa.

2.   Jekk l-Istat Membru jew l-awtorità regolatorja kkonċernata ma jipprovdux dik l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 fil-limitu taż-żmien imsemmi fil-paragrafu 1 il-Kummissjoni tista' titlob l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-fini ta' infurzar ta' dan ir-Regolament direttament lill-impriża kkonċernata.

Meta tibgħat talba għal informazzjoni lil xi impriża, il-Kummissjoni għandha, fl-istess ħin, tibgħat kopja lill-awtoritajiet regolatorji tal-Istat Membru li fih tkun qiegħda s-sede tal-impriża.

3.   Fit-talba tagħha għall-informazzjoni taħt il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tiddikjara l-bażi ġuridika tat-talba, it-terminu ta' żmien li fih l-informazzjoni għandha tiġi provduta, l-għan tat-talba, u l-penali previsti fl-Artikolu 66(2) għall-għoti ta' informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa..

4.   Il-proprjetarji tal-impriżi jew ir-rappreżentanti tagħhom, u fil-każ ta' persuni ġuridiċi, il-persuni fiżiċi awtorizzati li jirrappreżentaw l-impriża legalment jew bl-istrument ta' inkorporazzjoni tagħhom, għandhom jipprovdu l-informazzjoni mitluba. Fejn l-avukati huma awtorizzati li jipprovdu l-informazzjoni f'isem il-klijent tagħhom, il-klijent għandu jibqa' totalment responsabbli fil-każ li l-informazzjoni pprovduta tkun mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa.

5.   Meta impriża ma tipprovdix l-informazzjoni mitluba fiż-żmien stabbilit mill-Kummissjoni jew tipprovdi informazzjoni mhux kompluta, il-Kummissjoni tista' b'deċiżjoni tesiġi li l-informazzjoni tkun ipprovduta. Dik id-deċiżjoni għandha tispeċifika x'informazzjoni hija meħtieġa u tistabbilixxi żmien xieraq li matulu għandha tkun ipprovduta. Għandha tindika l-penali previsti fl-Artikolu 66(2). Għandha wkoll tindika d-dritt li jkollha d-deċiżjoni eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni għandha fl-istess waqt tibgħat kopja tad-deċiżjoni tagħha lill-awtoritajiet regolatorji tal-Istat Membru li fih tkun ir-residenza tal-persuna kkonċernata jew tkun stabbilita s-sede tal-impriża kkonċernata.

6.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandha tintuża biss għall-finjiet ta' infurzar ta' dan ir-Regolament.

Il-Kummissjoni ma għandhiex tiżvela informazzjoni miksuba skont dan ir-Regolament fejn dik l-informazzjoni hi koperta bl-obbligu ta' segretezza professjonali.

Artikolu 66

Penali

1.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-penali applikabbli għal ksur ta' dan ir-Regolament, il-kodiċijiet tan-netwerk adottati skont l-Artikolu 59 u l-linji gwida adottati skont l-Artikolu 61 u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penaliti previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom, mingħajr dewmien, jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'dawk ir-regoli u b'dawk il-miżuri u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien bi kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.

2.   Il-Kummissjoni tista' b'deċiżjoni timponi fuq impriżi multi li ma jaqbżux il-1 % tal-fatturat totali fis-sena finanzjarja preċedenti fejn, bi ħsieb jew b'negliġenza, dawk l-impriżi jagħtu informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa bħala tweġiba għal talba magħmula skont l-Artikolu 65(3) jew jonqsu milli jagħtu informazzjoni fil-limitu ta' żmien stabbilit f'deċiżjoni adottata skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 65(5). Meta jiġi stabbilit l-ammont tal-multa, il-Kummissjoni għandha tqis il-gravità tan-nuqqas ta' konformità mad-dispożizzjonijiet msemmija fil-paragrafu 1 ta 'dan l-Artikolu.

3.   Il-penalitajiet previsti skont il-paragrafu 1 u kwalunkwe deċiżjonijiet meħuda taħt il-paragrafu 2 ma għandhomx ikunu ta' natura kriminali.

Artikolu 67

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-kumitat stabbilit mill-Artikolu 68 tad-Direttiva (UE) 2019/944. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 68

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall- kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 34(3), l-Artikolu 49(4), l-Artikolu 59(2), l-Artikolu 61(2) u l-Artikolu 63(11) hija mogħtija lill-Kummissjoni sal-31 ta' Diċembru 2028. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel tmiem dak il-perjodu u, jekk applikabbli, qabel tmiem perjodi sussegwenti. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta' tmien snin, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu.

3.   Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 34(3), l-Artikolu 49(4), l-Artikolu 59(2), l-Artikolu 61(2) u l-Artikolu 63(11) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma' tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 34(3), l-Artikolu 49(4), l-Artikolu 59(2), l-Artikolu 61(2) u l-Artikolu 63(11) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien t xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 69

Reviżjonijiet u rapporti tal-Kummissjoni

1.   Sal-1 ta' Lulju 2025, il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-kodiċijiet u l-linji gwida eżistenti tan-netwerk sabiex tevalwa liema mid-dispożizzjonijiet tagħhom jidtgħu jiġu inkorporati i f'atti leġiżlattivi tal-Unjoni dwar is-suq intern tal-elettriku u kif l-għoti tas-setgħa għal-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida stabbiliti fl-Artikoli 59 u 61jistgħu jiġu riveduti.

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dettaljat tal-valutazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa l-istess data.

Sal-31 ta' Diċembru 2026, il-Kummissjoni għandha, fejn adatt, tressaq proposti leġiżlattivi abbażi tal-valutazzjoni tagħha.

2.   Sal-31 ta' Diċembru 2030 il-Kummissjoni għandha tirrevedi dan ir-Regolament u għandha tressaq rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill abbażi ta' dik ir-reviżjoni, akkumpanjat minn proposta leġislattiva fejn xieraq.

Artikolu 70

Tħassir

Ir-Regolament (KE) Nru 714/2009 huwa mħassar. Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw konformement mat-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness III.

Artikolu 71

Dħul fis-seħħ

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Dan għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2020.

Minkejja l-ewwel subparagrafu, l-Artikoli 14, 15, 22(4), 23(3) u (6), 35, 36 u 62 għandhom japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Għall-fini tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 14(7) u l-Artikolu 15(2), l-Artikolu 16 għandu japplika minn dik id-data.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Ġunju 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  ĠU C 288, 31.8.2017, p. 91.

(2)  ĠU C 342, 12.10.2017, p. 79.

(3)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Marzu 2019 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2019.

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 15).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/2195 tat-23 ta' Novembru 2017 li jistabbilixxi linja gwida dwar l-ibbilanċjar tal-elettriku (ĠU L 312, 28.11.2017, p. 6).

(6)  Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ara l-paġna 125 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(7)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 tal-24 ta' Lulju 2015 li jistabbilixxi Linji Gwida dwar l-Allokazzjoni tal-Kapaċità u l-Ġestjoni tal-Konġestjoni (ĠU L 197, 25.7.2015, p. 24).

(8)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/1719 tas-26 ta' Settembru 2016 li jistabbilixxi linja gwida dwar l-allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità (ĠU L 259, 27.9.2016, p. 42).

(9)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/631 tal-14 ta' April 2016 li jistabbilixxi kodiċi tan-netwerk dwar rekwiżiti għall-konnessjoni tal-ġeneraturi mal-grilja (ĠU L 112, 27.4.2016, p. 1).

(10)  Regolament (UE) 2019/942 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2019 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ara l-paġna 22 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(11)  Regolament (UE) 2019/941 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2019 li jistabbilixxi regoli dwar it-tpoġġija għad-dispożizzjoni fis-suq ta' prodotti fertilizzanti tal-UE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1069/2009 u (KE) Nru 1107/2009 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 (ara l-paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(12)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1485 tat-2 ta' Awwissu 2017 li jistabbilixxi linja gwida dwar it-tħaddim tas-sistema ta' trażmissjoni tal-elettriku (ĠU L 220, 25.8.2017, p. 1).

(13)  Ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2003 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku (ĠU L 176, 15.7.2003, p. 1).

(14)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(15)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(16)  Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1).

(17)  Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa (ĠU L 326, 8.12.2011, p. 1).

(18)  Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82).

(19)  Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1).

(20)  Id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16);

(21)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Novembru 2012 li twaqqaf Grupp għall-Koordinazzjoni tal-Elettriku (ĠU C 353, 17.11.2012, p. 2).

(22)  Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE u li temenda r-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE)) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009 (ĠU L 115, tal-25.4.2013, p. 39).

(23)  Id-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji (ĠU L 169, 30.6.2017, p. 46).

(24)  Id-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 1996 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku (ĠU L 27, 30.1.1997, p. 20).


ANNESS I

KOMPITI TAĊ-ĊENTRI TA' KOORDINAZZJONI REĠJONALI

1.   Kalkolu koordinat tal-kapaċità

1.1

Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom iwettqu l-kalkolu koordinat tal-kapaċitajiet transżonali.

1.2

Il-kalkolu koordinat tal-kapaċità għandu jitwettaq għal perjodi ta' żmien ta' ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata.

1.3

Il-kalkolu koordinat tal-kapaċità għandu jitwettaq abbażi tal-metodoloġiji żviluppati f'konformità mal-linja gwida dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità u l-ġestjoni tal-konġestjoni adottata abbażi tal-Artikolu 18(5) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009.

1.4

Il-kalkolu koordinat tal-kapaċità għandu jitwettaq abbażi ta' mudell komuni tal-grilja skont il-punt 3.

1.5

Il-kalkolu koordinat tal-kapaċità għandu jiżgura ġestjoni effiċjenti tal-konġestjoni skont il-prinċipji ta' ġestjoni tal-konġestjoni definiti f'dan ir-Regolament.

2.   Analiżi koordinata tas-sigurtà

2.1

Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom iwettqu analiżi koordinata tas-sigurtà bil-għan li jiżguraw it-tħaddim sigur tas-sistema.

2.2

L-analiżi tas-sigurtà għandha ssir għall-perjodi kollha ta' żmien ta' ppjanar operazzjonali, bejn il-perjodi ta' żmien ta' sena bil-quddiem u tal-istess ġurnata, billi jintużaw il-mudelli komuni tal-grilja.

2.3

Analiżi koordinata tas-sigurtà għandha ssir abbażi tal-metodoloġiji żviluppati skont il-linja gwida dwar it-tħaddim tas-sistema adottata abbażi tal-Artikolu 18(5) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009.

2.4

Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jaqsmu r-riżultati tal-analiżi koordinata tas-sigurtà mill-inqas mal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni fir-reġjun ta' tħaddim tas-sistema.

2.5

Jekk b'riżultat tal-analiżi koordinata tas-sigurtà ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali jidentifika xi restrizzjoni potenzjali, dan għandu jfassal azzjonijiet ta' rimedju li jimmassimizzaw l-effikaċja u l-effiċjenza ekonomika.

3.   Ħolqien ta' mudelli komuni tal-grilja

3.1

Iċ-Ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jistabbilixxu proċessi effiċjenti għall-ħolqien ta' mudell komuni tal-grilja għal kull perjodu ta' żmien ta' ppjanar operazzjonali bejn il-perjodi ta' żmien ta' sena bil-quddiem u tal-istess ġurnata.

3.2

L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jinnominaw ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali biex jibni l-mudelli komuni tal-grilja mal-Unjoni kollha.

3.3

Il-mudelli komuni tal-grilja għandhom jitwettqu bi qbil mal-metodoloġiji żviluppati skont il-Linja Gwida dwar it-tħaddim tas-sistema u l-linja gwida dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità u l-ġestjoni tal-konġestjoni adottata abbażi tal-Artikolu 18(5) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009.

3.4

Il-mudelli komuni tal-grilja għandhom jinkludu d-dejta rilevanti għall-ippjanar operazzjonali u l-kalkolu tal-kapaċità b'mod effiċjenti fil-perjodi kollha ta' żmien ta' ppjanar operazzjonali bejn il-perjodi ta' żmien ta' sena bil-quddiem u tal-istess ġurnata.

3.5

Il-mudelli komuni tal-grilja għandhom ikunu disponibbli għaċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali kollha, għall-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni, għall-ENTSO għall-Elettriku u, fuq talba għall-ACER.

4.   Appoġġ għall-pjanijiet tad-difiża u r-restawr tal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni fir-rigward tal-valutazzjoni tal-konsistenza

4.1

Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jappoġġaw lill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni fir-reġjun ta' tħaddim tas-sistema fit-twettiq tal-valutazzjoni tal-konsistenza tal-pjanijiet tad-difiża u tal-pjanijiet tar-restawr tal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni f'konformità mal-proċeduri stabbiliti fil-kodiċi tan-netwerk dwar l-emerġenza u r-restawr tal-elettriku adottat abbażi tal-Artikolu 6(11) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009.

4.2

L-operaturi kollha tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jiftiehmu dwar livell limitu li 'l fuq minnu l-impatt tal-azzjonijiet ta' operatur wieħed jew aktar tas-sistema ta' trażmissjoni fl-istati ta' emerġenza, ta' blekawt jew ta' restawr jitqies bħala sinifikanti għal operaturi oħra tas-sistema ta' trażmissjoni interkonnessi b'mod sinkroniku jew asinkroniku.

4.3

B'dan l-appoġġ lill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni, iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom:

(a)

jidentifikaw inkompatibbiltajiet potenzjali;

(b)

jipproponu azzjonijiet ta' mitigazzjoni.

4.4

L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jivvalutaw u jqisu l-azzjonijiet ta' mitigazzjoni proposti.

5.   Appoġġ għall-koordinazzjoni u l-ottimizzazzjoni tar-restawr reġjonali

5.1

Kull ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali rilevanti għandu jappoġġa lill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni nnominati bħala mexxejja tal-frekwenza u mexxejja tar-risinkronizzazzjoni skont il-kodiċi tan-netwerk dwar l-emerġenza u r-restawr adottat abbażi tal-Artikolu 6(11) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 biex jittejbu l-effiċjenza u l-effettività tas-sistema ta' restawr. L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni tar-reġjun tat- tħaddim tas-sistema għandhom jistabbilixxi r-rwol taċ-ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali relatati mal-appoġġ għall-koordinazzjoni u l-ottimizzazzjoni tar-restawr reġjonali.

5.2

L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni jistgħu jitolbu assistenza liċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali jekk is-sistema tagħhom tkun fi stat ta' blekawt jew ta' restawr.

5.3

Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom ikunu mgħammra b'sistemi ta' akkwist tad-dejta u ta' kontroll superviżorju qrib il-ħin reali bl-osservabbiltà ddefinita bl-applikazzjoni tal-livell limitu msemmija fil-punt 4.2.

6.   Analiżi u rappurtar wara t-tħaddim u wara t-tfixkil

6.1

Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jinvestigaw u jħejju rapport dwar kwalunkwe inċident 'il fuq mil-livell limitu imsemmija fil-punt 4.2. Fuq talba tagħhom, l-awtoritajiet regolatorji fir-reġjun ta' tħaddim tas-sistema u l-ACER jistgħu jkunu involuti fl-investigazzjoni. Ir-rapport għandu jinkludi rakkomandazzjonijiet bil-għan li fil-futur biex tipprevjeni inċidenti simili.

6.2

Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jippubblikaw ir-rapport. L-ACER tista' tinkludi rakkomandazzjonijiet bil-għan li fil-futur jipprevjenu inċidenti simili.

7.   Kejl reġjonali tal-kapaċità ta' riserva

7.1

Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jikkalkulaw ir-rekwiżiti tal-kapaċità ta' riserva għar-reġjun ta' tħaddim tas-sistema. L-istabbiliment tar-rekwiżiti tal-kapaċità ta' riserva għandu:

(a)

jilħaq l-objettiv ġenerali li tinżamm is-sigurtà operazzjonali bl-aktar mod kosteffettiv;

(b)

jitwettaq fil-perjodu ta' żmien tal-istess ġurnata jew ta' ġurnata bil-quddiem, jew it-tnejn;

(c)

jikkalkula l-ammont ġenerali ta' kapaċità ta' riserva meħtieġ għar-reġjun ta' tħaddim tas-sistema;

(d)

jiddetermina r-rekwiżiti minimi tal-kapaċità ta' riserva għal kull tip ta' kapaċità ta' riserva;

(e)

iqis is-sostituzzjonijiet possibbli bejn tipi differenti ta' kapaċità ta' riserva bil-għan li jimminimizza l-kostijiet ta' akkwist;

(f)

jekk ikun hemm, jistabbilixxi r-rekwiżiti neċessarji għad-distribuzzjoni ġeografika tal-kapaċità ta' riserva meħtieġa.

8.   Faċilitazzjoni tal-akkwist reġjonali tal-kapaċità ta' bbilanċjar

8.1

Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jappoġġaw lill-operaturi fis-sistema ta' trażmissjoni fir-reġjun ta' tħaddim tas-sistema biex jistabbilixxu l-ammont ta' kapaċità ta' bbilanċjar li jeħtieġ tiġi akkwistata. L-istabbiliment tal-ammont ta' kapaċità ta' bbilanċjar għandu:

(a)

jitwettaq fil-perjodu ta' żmien tal-istess ġurnata jew ta' ġurnata bil-quddiem, jew it-tnejn;

(b)

iqis is-sostituzzjonijiet possibbli bejn tipi differenti ta' kapaċità ta' riserva bil-għan li jimminimizza l-kostijiet ta' akkwist;

(c)

iqis il-volumi tal-kapaċità ta' riserva meħtieġa li mistennija jiġu pprovduti bl-offerti għall-enerġija ta' bbilanċjar, li ma jiġux ippreżentati abbażi ta' kuntratt għall-kapaċità ta' bbilanċjar.

8.2

Iċ-Ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jappoġġaw lill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni tar-reġjun ta' tħaddim tas-sistema biex jakkwistaw l-ammont meħtieġ ta' kapaċità ta' bbilanċjar stabbilit skont il-punt 8.1. L-akkwist tal-kapaċità ta' bbilanċjar għandu:

(a)

jitwettaq fil-perjodu ta' żmien tal-istess ġurnata jew ta' ġurnata bil-quddiem, jew it-tnejn

(b)

iqis is-sostituzzjonijiet possibbli bejn tipi differenti ta' kapaċità ta' riserva bil-għan li jimminimizza l-kostijiet ta' akkwist.

9.   Valutazzjonijiet dwar l-adegwatezza tas-sistema reġjonali minn ġimgħa bil-quddiem sa ġurnata bil-quddiem u t-tħejjija ta' azzjonijiet li jnaqqsu r-riskji

9.1

Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom iwettqu valutazzjonijiet dwar l-adegwatezza reġjonali sa mill-inqas ġurnata bil-quddiem f'konformità mal-proċeduri stabbiliti fir-Regolament 2017/1485u abbażi tal-metodoloġija żviluppata skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2019/941.

9.2

Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jibbażaw il-valutazzjonijiet dwar l-adegwatezza reġjonali fuq terminu qasir fuq l-informazzjoni pprovduta mill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni tar-reġjun ta' tħaddim tas-sistema bil-għan li jidentifikaw sitwazzjonijiet fejn hu mistenni nuqqas ta' adegwatezza fi kwalunkwe waħda miż-żoni ta' kontroll jew fil-livell reġjonali. Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom iqisu l-iskambji transżonali u l-limiti tas-sigurtà operazzjonali possibbli fil-perjodi ta' żmien rilevanti kollha ta' ppjanar operazzjonali.

9.3

Meta jwettaq valutazzjoni dwar l-adegwatezza ta' sistema reġjonali, kull ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali għandu jikkoordina ma' ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali oħra biex:

(a)

jivverifika s-suppożizzjonijiet u t-tbassir sottostanti;

(b)

jidentifika s-sitwazzjonijiet possibbli ta' nuqqas ta' adegwatezza transreġjonali.

9.4

Kull ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali għandu jikseb ir-riżultati tal-valutazzjonijiet dwar l-adegwatezza ta' sistema reġjonali flimkien mal-azzjonijiet li jipproponi biex jitnaqqsu r-riskji tan-nuqqas ta' adegwatezza għall-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni fir-reġjun ta' tħaddim tas-sistema u għal ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali oħra.

10.   Koordinazzjoni tal-ippjanar tal-indisponibbiltà reġjonali

10.1

Kull Ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali għandu jwettaq koordinazzjoni tal-indisponibbiltà reġjonali f'konformità mal-proċeduri stabbiliti fil-linja gwida għat-tħaddim ta' sistema adottata abbażi tal-Artikolu 18(5) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 sabiex jimmonitorja l-istatus ta' disponibbiltà tal-assi rilevanti u jikkoordina l-pjanijiet ta' disponibbiltà tagħhom biex jiżgura s-sigurtà operazzjonali tas-sistema ta' trażmissjoni filwaqt li jimmassimizza l-kapaċità tal-interkonnetturi u tas-sistemi ta' trażmissjoni li jaffettwaw il-flussi transżonali.

10.2

Kull ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali għandu jżomm lista unika tal-elementi tal-grilja rilevanti, tal-moduli ta' ġenerazzjoni tal-enerġija u tal-faċilitajiet tad-domanda tar-reġjun ta' tħaddim tas-sistema u jqiegħdha għad-dispożizzjoni tal-ambjent ta' dejta għall-ippjanar operazzjonali tal-ENTSO għall-Elettriku.

10.3

Kull ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali għandu jwettaq l-attivitajiet li ġejjin relatati mal-koordinazzjoni tal-indisponibbiltà fir-reġjun ta' tħaddim tas-sistema:

(a)

jivvaluta l-kompatibbiltà tal-ippjanar tal-indisponibbiltà billi juża l-pjanijiet kollha tad-disponibbiltà ta' sena bil-quddiem tal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni;

(b)

jipprovdi lill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni fir-reġjun ta' tħaddim tas-sistema b'lista tal-inkompatibbiltajiet ta' ppjanar individwati u tas-soluzzjonijiet li jipproponi biex jissolvew l-inkompatibbiltajiet.

11.   Ottimizzazzjoni tal-mekkaniżmi ta' kumpens għall-operatur tas-sistema ta' intertrażmissjoni

11.1

L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni fir-reġjun ta' tħaddim tas-sistema jistgħu jiddeċiedu b'mod konġunt li jirċievu appoġġ miċ-ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali biex jamministraw il-flussi finanzjarji relatati mas-saldu bejn operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni li jinvolvu aktar minn żewġ operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni, bħall-kostijiet ta' dispaċċ mill-ġdid, l-introjtu mill-konġestjoni, il-kostijiet tad-devjazzjonijiet mhux intenzjonati jew tal-akkwist ta' riserva.

12.   Taħriġ u ċertifikazzjoni għall-persunal li jaħdem għaċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali

12.1

Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom iħejju u jwettqu programmi ta' taħriġ u ta' ċertifikazzjoni li jiffukaw fuq ir-reġjun ta' tħaddim tas-sistema għall-persunal li jaħdem fiċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali.

12.2

Il-programmi ta' taħriġ għandhom ikopru l-komponenti rilevanti kollha ta' tħaddim tas-sistema, fejn iċ-ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali jwettaq kompiti inklużi x-xenarji ta' kriżi reġjonali.

13.   Identifikazzjoni tax-xenarji ta' kriżi tal-elettriku f'livell reġjonali

13.1

Jekk l-ENTSO għall-Elettriku jiddelega din il-funzjoni, iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jidentifikaw ix-xenarji ta' kriżi reġjonali tal-elettriku skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2019/941.

L-identifikazzjoni tax-xenarji ta' kriżi reġjonali tal-elettriku għandha titwettaq f'konformità mal-metodoloġija stabbilita fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2019/941.

13.2

Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jappoġġaw lill-awtoritajiet kompetenti ta' kull reġjun ta' tħaddim tas-sistema fuq talba tagħhom fi tħejjija u twettiq tas-simulazzjonijiet ta' kriżi biennali bi qbil mal-Artikolu 12(3) tar-Regolament (UE) 2019/941.

14.   Identifikazzjoni tal-ħtiġijiet għal kapaċità ta' trażmissjoni ġdida, għat-titjib tal-kapaċità ta' trażmissjoni eżistenti jew tal-alternattivi għalihom.

14.1

Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jappoġġaw lill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni fl-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet għal kapaċità ta' trażmissjoni ġdida, għal titjib fil-kapaċità ta' trażmissjoni eżistenti jew għall-alternattivi tagħhom, li għandhom jiġu ppreżentati lill-gruppi reġjonali stabbiliti skont ir-Regolament (UE) Nru 347/2013 u biex jiġu inklużi fil-pjan ta' għaxar snin għall-iżvilupp tan-netwerk imsemmi fl-Artikolu 51 tad-Direttiva (UE) 2019/944.

15.   Il-kalkolu tal-kapaċità massima ta' dħul disponibbli għall-parteċipazzjoni tal-kapaċità barranija fil-mekkaniżmi ta' kapaċità

15.1

Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jappoġġaw lill-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni fil-kalkolu tal-kapaċità massima ta' dħul disponibbli għall-parteċipazzjoni tal-kapaċità barranija fil-mekkaniżmi ta' kapaċità b'kont meħud tad-disponibbiltà mistennija ta' interkonnessjoni u l-konkorrenza probabbli ta' pressjoni fuq is-sistema bejn is-sistema fejn jiġi applikat il-mekkaniżmu u s-sistema fejn tkun tinsab il-kapaċità barranija.

15.2

Il-kalkolu għandu jitwettaq f'konformità mal-metodoloġija stabbilita fil-punt (a) tal-Artikolu 26(11).

15.3

Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jipprovdu kalkolu għal kull konfini taż-żona tal-offerti kopert mir-reġjun ta' tħaddim tas-sistema.

16.   Tħejjija ta' valutazzjonijiet tal-adegwatezza staġjonali

16.1

Jekk l-ENTSO għall-Elettriku jiddelega din il-funzjoni skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2019/941, iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom iwettqu valutazzjonijiet tal-adegwatezza staġjonali fuq bażi reġjonali.

16.2

It-tħejjija tal-valutazzjonijiet tal-adegwatezza staġjonali għandha titwettaq abbażi tal-metodoloġija żviluppata skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2019/941.

ANNESS II

REGOLAMENT IMĦASSAR FLIMKIEN MA' LISTA TAL-EMENDI SUĊĊESSIVI TIEGĦU

Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009 (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 39)

Punt (a) tal-Artikolu 8(3)

Punt (a) tal-Artikolu 8(10)

Artikolu 11

Artikolu 18(4a)

Artikolu 23(3)

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2013 tal-14 ta' Ġunju 2013 dwar is-sottomissjoni u l-pubblikazzjoni ta' data (dejta) fis-swieq tal-elettriku u li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 163, 15.6.2013, p. 1)

Punti 5.5 sa 5.9 tal-Anness I


ANNESS III

TABELLA TA' KORRELAZZJONI

Ir-Regolament (KE) Nru 714/2009

Dan ir-Regolament

Artikolu 1(a)

Artikolu 1(b)

Artikolu 1(a)

Artikolu 1(c)

Artikolu 1(b)

Artikolu 1(d)

Artikolu 2(1)

Artikolu 2(1)

Artikolu 2(2)(a)

Artikolu 2(2)

Artikolu 2(2)(b)

Artikolu 2(3)

Artikolu 2(2)(c)

Artikolu 2(4)

Artikolu 2(2)(d)

Artikolu 2(2)(e)

Artikolu 2(2)(f)

Artikolu 2(2)(g)

Artikolu 2 (5)

Artikolu 2 (6) sa (71)

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikolu 6

Artikolu 7

Artikolu 8

Artikolu 9

Artikolu 10

Artikolu 11

Artikolu 12

Artikolu 13

Artikolu 14

Artikolu 15

Artikolu 16(1) sa (3)

Artikolu 16(1) sa (4)

Artikolu 16(5) sa (8)

Artikolu 16(4) sa (5)

Artikolu 16(9) sa (11)

Artikolu 16(12) u (13)

Artikolu 17

Artikolu 14(1)

Artikolu 18(1)

Artikolu 18(2)

Artikolu 14(2) sa (5)

Artikolu 18(3) sa (6)

Artikolu 18(7) sa (11)

Artikolu 19(1)

Artikolu 16(6)

Artikolu 19(2) u (3)

Artikolu 19(4) u (5)

Artikolu 20

Artikolu 21

Artikolu 22

Artikolu 8(4)

Artikolu 23(1)

Artikolu 23(2) sa (7)

Artikolu 25

Artikolu 26

Artikolu 27

Artikolu 4

Artikolu 28(1)

Artikolu 28(2)

Artikolu 5

Artikolu 29 (1) sa (4)

Artikolu 29(5)

Artikolu 8(2) (l-ewwel sentenza)

Artikolu 30(1)(a)

Artikolu 8(3)(b)

Artikolu 30(1)(b)

Artikolu 30(1)(c)

Artikolu 8(3)(c)

Artikolu 30 (1)(d)

Artikolu 30 (1)(e) u (f)

 

Artikolu 30(1) (g) u (h)

Artikolu 8 (3)(a)

Artikolu 30(1)(i)

Artikolu 8(3)(d)

Artikolu 30(1)(j)

 

Artikolu 30(1)(k)

Artikolu 8(3)(e)

Artikolu 30(1)(l)

 

Artikolu 30(1)(m) sa (o)

Artikolu 30(2) u (3)

Artikolu 8(5)

Artikolu 30(4)

Artikolu 8(9)

Artikolu 30(5)

Artikolu 10

Artikolu 31

Artikolu 9

Artikolu 32

Artikolu 11

Artikolu 33

Artikolu 12

Artikolu 34

Artikolu 35

Artikolu 36

Artikolu 37

Artikolu 38

Artikolu 39

Artikolu 40

 

Artikolu 41

Artikolu 42

Artikolu 43

Artikolu 44

Artikolu 45

Artikolu 46

Artikolu 47

Artikolu 8(10)

Artikolu 48

Artikolu 13

Artikolu 49

Artikolu 2(2) (subparagrafu finali

Artikolu 49(7)

Artikolu 15

Artikolu 50(1) sa (6)

Anness I punt 5.10

Artikolu 50(7)

Artikolu 3

Artikolu 51

Artikolu 52

Artikolu 53

 

Artikolu 54

Artikolu 55

Artikolu 56

Artikolu 57

Artikolu 58

Artikolu 8(6)

Artikolu 59(1)(a), (b) u (c)

Artikolu 59(1)(d) u (e)

 

Artikolu 59(2)

Artikolu 6(1)

Artikolu 59(3)

Artikolu 6(2)

Artikolu 59(4)

Artikolu 6(3)

Artikolu 59(5)

Artikolu 59(6)

Artikolu 6(4)

Artikolu 59(7)

Artikolu 6(5)

Artikolu 59(8)

Artikolu 6(6)

Artikolu 59(9)

Artikolu 8(1)

Artikolu 59(10)

Artikolu 6(7)

Artikolu 6(8)

Artikolu 6(9) u (10)

Artikolu 59(11) u (12)

Artikolu 6(11)

Artikolu 59(13) u (14)

Artikolu 6 (12)

Artikolu 59(15)

Artikolu 8(2)

Artikolu 59(15)

Artikolu 60(1)

Artikolu 7(1)

Artikolu 60(2)

Artikolu 7(2)

Artikolu 60(3)

Artikolu 7(3)

Artikolu 7(4)

Artikolu 61(1)

Artikolu 61(2)

Artikolu 18(1)

Artikolu 61(3)

Artikolu 18(2)

Artikolu 18(3)

Artikolu 61(4)

Artikolu 18(4)

Artikolu 18(4a)

Artikolu 61(5)

Artikolu 18(5)

Artikolu 61(5) u (6)

Artikolu 19

Artikolu 21

Artikolu 62

Artikolu 17

Artikolu 63

Artikolu 64

Artikolu 20

Artikolu 65

Artikolu 22

Artikolu 66

Artikolu 23

Artikolu 67

Artikolu 24

Artikolu 68

Artikolu 69

Artikolu 25

Artikolu 70

Artikolu 26

Artikolu 71


DIRETTIVI

14.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 158/125


DIRETTIVA (UE) 2019/944 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-5 ta' Ġunju 2019

dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE

(riformulazzjoni)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 194(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Jenħtieġ li jsiru għadd ta' emendi lid-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Fl-interessi taċ-ċarezza, dik id-Direttiva jenħtieġ li tiġi riformulata.

(2)

Is-suq intern għall-elettriku, li ġie implimentat progressivament fl-Unjoni mill-1999, għandu l-għan, permezz tal-organizzazzjoni tas-swieq tal-elettriku kompetittivi li jaqsmu l-fruntieri tal-pajjiżi, li jipprovdi għażla reali lill-klijenti finali kollha tal-Unjoni, kemm jekk ikunu ċittadini kif ukoll jekk ikunu negozji, opportunitajiet ġodda ta' negozju, prezzijiet kompetittivi, sinjali ta' investimenti effiċjenti u standards ogħla ta' servizzi, u għandu l-għan ukoll li jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-provvista u s-sostenibbiltà.

(3)

Id-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u d-Direttiva 2009/72/KE għamlu kontribut sinifikanti lejn il-ħolqien tas-suq intern għall-elettriku. Madankollu, is-sistema tal-enerġija tal-Unjoni għaddejja minn bidla kbira. L-għan komuni għad-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija joħloq opportunitajiet u sfidi ġodda għall-parteċipanti tas-suq. Fl-istess ħin, l-iżviluppi teknoloġiċi jippermettu forom ġodda ta' parteċipazzjoni tal-konsumaturi u ta' kooperazzjoni transkonfinali. Teżisti l-ħtieġa li r-regoli tas-suq tal-Unjoni jiġu adattati għal realtà ġdida tas-suq.

(4)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Frar 2015 intitolata “Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b'Politika dwar il-Bidla fil-Klima li tħares 'il quddiem” tistabbilixxi viżjoni ta' Unjoni tal-Enerġija biċ-ċittadini fil-qofol tagħha, li fiha ċ-ċittadini jieħdu s-sjieda tat-tranżizzjoni tal-enerġija, jibbenefikaw minn teknoloġiji ġodda biex jitnaqqsu l-kontijiet tagħhom u jipparteċipaw b'mod attiv fis-suq, u li fiha l-konsumaturi vulnerabbli jkunu protetti.

(5)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Lulju 2015 intitolata “Inwasslu Patt Ġdid għall-Konsumaturi tal-Enerġija” ipproponiet il-viżjoni tal-Kummissjoni għal suq bl-imnut li jaqdi lill-konsumaturi tal-enerġija b'mod aħjar, fost l-oħrajn billi s-swieq tal-ingrossa u dawk bl-imnut ikunu konnessi b'mod aħjar. Huma u jieħdu vantaġġ minn teknoloġija ġdida, jenħtieġ li kumpaniji tas-servizzi tal-enerġija ġodda u innovattivi jippermettu lill-konsumaturi kollha jieħdu sehem sħiħ fit-tranżizzjoni tal-enerġija, u jimmaniġġjaw il-konsum tagħhom biex jaslu għal soluzzjonijiet effiċjenti fil-konsum tal-enerġija li jiffrankawlhom il-flus u jikkontribwixxu għat-tnaqqis ġenerali tal-konsum tal-enerġija.

(6)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Lulju 2015, intitolata “Tnedija tal-proċess ta' konsultazzjoni pubblika dwar disinn ġdid tas-suq tal-enerġija”, enfasizzat li t-tbegħid mill-ġenerazzjoni f'installazzjonijiet kbar tal-ġenerazzjoni ċentralizzata lejn produzzjoni deċentralizzata tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli u lejn s-swieq dekarbonizzati jirrikjedi li jiġu adattati r-regoli attwali dwar il-kummerċ fl-elettriku u li jinbidlu r-rwoli eżistenti fis-suq. Il-Komunikazzjoni saħqet dwar il-ħtieġa li s-swieq tal-elettriku jiġu organizzati b'mod aktar flessibbli u li l-atturi kollha tas-suq jiġu integrati – fosthom il-produtturi tal-enerġija rinnovabbli, il-fornituri l-ġodda tas-servizzi tal-enerġija, il-ħżin tal-enerġija u d-domanda flessibbli. Huwa daqstant importanti li l-Unjoni tinvesti b'mod urġenti f'interkonnessjoni fil-livell tal-Unjoni għat-trasferiment tal-enerġija permezz ta' sistemi tat-trażmissjoni tal-elettriku b'vultaġġ għoli.

(7)

Bil-għan li jinħoloq suq intern għall-elettriku, l-Istati Membri jenħtieġ li jrawmu l-integrazzjoni tas-swieq nazzjonali tagħhom u kooperazzjoni fost l-operaturi tas-sistema fil-livell tal-Unjoni u f'dak reġjonali, u jinkorporaw sistemi iżolati li jifformaw gżejjer tal-elettriku li jippersistu fl-Unjoni.

(8)

Minbarra li tindirizza sfidi ġodda, din id-Direttiva tfittex li tindirizza x-xkiel persistenti għat-tlestija tas-suq intern għall-elettriku. Il-qafas regolatorju rfinut jenħtieġ li jikkontribwixxi sabiex jingħelbu l-problemi attwali ta' swieq nazzjonali frammentati li ta' spiss għadhom determinati minn livell għoli ta' interventi regolatorji. Tali interventi wasslu għal ostakoli għall-provvista tal-elettriku taħt kondizzjonijiet ugwali kif ukoll għal spejjeż ogħla meta mqabbla ma' soluzzjonijiet ibbażati fuq il-kooperazzjoni transkonfinali u prinċipji bbażati fuq is-suq.

(9)

L-Unjoni tkun tilħaq il-miri tagħha dwar is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli bl-iktar mod effikaċi permezz tal-ħolqien ta' qafas tas-suq li jippremja l-flessibbiltà u l-innovazzjoni. Disinn ta' suq tal-elettriku li jiffunzjona tajjeb huwa l-fattur ewlieni li jippermetti d-diffużjoni ta' enerġija rinnovabbli.

(10)

Il-konsumaturi għandhom rwol essenzjali biex tinkiseb il-flessibilità meħtieġa biex is-sistema tal-elettriku tiġi adattata għall-ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli li tkun varjabbli u distribwita. Il-progress teknoloġiku fil-ġestjoni tal-grilja u l-ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli wasslu għal bosta opportunitajiet għall-konsumaturi. Kompetizzjoni b'saħħitha fis-swieq tal-bejgħ bl-imnut hija essenzjali biex jiġi żgurat il-ftuħ, xprunat mis-swieq, ta' servizzi innovattivi ġodda li jindirizzaw il-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet, li dejjem jinbidlu, tal-konsumaturi filwaqt li tiżdied il-flessibbiltà tas-sistema. Madankollu, in-nuqqas ta' informazzjoni f'ħin reali jew kważi f'ħin reali pprovduta lill-konsumaturi dwar il-konsum tal-enerġija tagħhom ma ħallihomx ikunu parteċipanti attivi fis-suq tal-enerġija u t-tranżizzjoni tal-enerġija. Meta l-konsumaturi jingħataw is-setgħa u l-għodod biex jieħdu sehem aktar fis-suq tal-enerġija, inkluża partiċipazzjoni innovattiva, il-ħsieb huwa li ċ-ċittadini fl-Unjoni jgawdu mis-suq intern għall-elettriku u li l-miri tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli tal-Unjoni jintlaħqu.

(11)

Il-libertajiet li t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jiggarantixxi liċ-ċittadini tal-Unjoni – inter alia, il-moviment liberu tal-merkanzija, il-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi – jistgħu jinkisbu biss f'suq kompletament miftuħ, li jippermetti lill-konsumaturi kollha jagħżlu liberament il-fornituri tagħhom u li jippermetti lill-fornituri kollha jwasslu liberament il-fornimenti tagħhom lill-klijenti tagħhom.

(12)

Il-promozzjoni tal-kompetizzjoni ġusta u ta' aċċess faċli għall-fornituri differenti hija tal-ogħla importanza għall-Istati Membri sabiex jippermettu li l-konsumaturi jisfruttaw bis-sħiħ l-opportunitajiet ta' suq intern liberalizzat għall-elettriku. Madankollu, huwa possibbli li l-falliment tas-suq jippersisti f'sistemi żgħar periferiċi tal-elettriku u f'sistemi li mhumiex konnessi ma' Stati Membri oħra, fejn il-prezzijiet tal-elettriku jonqsu milli jipprovdu is-sinjal it-tajjeb biex jixprunaw l-investiment, u għalhekk ikun jeħtieġ soluzzjonijiet speċifiċi biex jiġi żgurat livell adegwat ta' sigurtà tal-provvista.

(13)

Sabiex titrawwem il-kompetizzjoni u tiġi żgurata l-provvista tal-elettriku bl-aktar prezz kompetittiv, l-Istati Membri u l-awtoritajiet regolatorji jenħtieġ li jiffaċilitaw l-aċċess transkonfinali għall-fornituri l-ġodda tal-elettriku minn sorsi differenti tal-enerġija kif ukoll għall-fornituri l-ġodda tal-ġenerazzjoni, ta' ħżin tal-enerġija u ta' rispons tad-domanda tal-enerġija.

(14)

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li ma jkun jeżisti l-ebda ostaklu bla bżonn fis-suq intern għall-elettriku fir-rigward tad-dħul fis-suq, it-tħaddim tas-suq u l-ħruġ mis-suq. Fl-istess ħin, jenħtieġ li jkun iċċarat li dak l-obbligu huwa mingħajr preġudizzju għall-kompetenza li l-Istati Membri jżommu relattivament għal pajjiżi terzi. Jenħtieġ li dik il-kjarifika ma tiġix interpretata li tippermetti li Stat Membru jeżerċita l-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Jenħtieġ li jiġi ċċarat ukoll li l-parteċipanti tas-suq minn pajjiżi terzi li joperaw fi ħdan is-suq intern għandhom jikkonformaw mal-liġijiet applikabbli tal-Unjoni u nazzjonali bl-istess mod bħall-parteċipanti l-oħra kollha tas-suq.

(15)

Ir-regoli tas-suq jippermettu d-dħul u l-ħruġ tal-produtturi u tal-fornituri abbażi tal-valutazzjoni tagħhom tal-vijabbiltà ekonomika u finanzjarja tal-operazzjonijiet tagħhom. Dak il-prinċipju mhuwiex inkompatibbli mal-possibbiltà għall-Istati Membri li jimponu fuq l-impriżi li joperaw fis-settur tal-elettriku obbligi ta' servizz pubbliku fl-interess ekonomiku ġenerali f'konformità mat-Trattati, b'mod partikolari mal-Artikolu 106 tat-TFUE, u ma' din id-Direttiva u r-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(16)

Il-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta' Ottubru 2014 iddikjara fil-konklużjonijiet tiegħu li l-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-Istati Membri, għandha tieħu miżuri urġenti sabiex tiżgura li tintlaħaq mira minima ta' 10 % tal-interkonnessjonijiet tal-elettriku eżistenti, bħala kwistjoni ta' urġenza, u mhux aktar tard mill-2020, tal-inqas għall-Istati Membri li għadhom ma laħqux livell minimu ta' integrazzjoni fis-suq intern tal-enerġija, jiġifieri l-Istati Baltiċi, il-Portugall u Spanja, u għall-Istati Membri li jikkostitwixxu l-punt ta' aċċess ewlieni tagħhom għas-suq intern tal-enerġija. Huwa ddikjara wkoll li l-Kummissjoni għandha wkoll tirrapporta b'mod regolari lill-Kunsill Ewropew bil-għan li tintlaħaq mira ta' 15 % sal-2030.

(17)

L-interkonnessjoni fiżika suffiċjenti mal-pajjiżi ġirien hija importanti biex tippermetti li l-Istati Membri u lill-pajjiżi ġirien jibbenefikaw mill-effetti pożittivi tas-suq intern kif enfasizzat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Novembru 2017, intitolata “Komunikazzjoni dwar it-tisħiħ tan-netwerks tal-enerġija tal-Ewropa”, u kif rifless fil-pjanijiet nazzjonali integrati tal-Istati Membri dwar l-enerġija u l-klima taħt ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(18)

Is-swieq tal-elettriku huma differenti minn swieq oħra bħal dawk għall-gass naturali, pereżempju minħabba li jinvolvu l-kummerċ f'komodità li bħalissa ma tistax tinħażen faċilment u li tiġi prodotta bl-użu ta' varjetà kbira ta' installazzjonijiet ta' ġenerazzjoni, inkluż permezz ta' ġenerazzjoni distribwita. Dan ġie rifless fl-approċċi differenti għat-trattament regolatorju tal-interkonnetturi fis-setturi tal-elettriku u tal-gass. L-integrazzjoni tas-swieq tal-elettriku teħtieġ livell għoli ta' kooperazzjoni fost l-operaturi tas-sistemi, il-parteċipanti fis-swieq u l-awtoritajiet regolatorji, b'mod partikolari fejn l-elettriku jiġi nnegozjat permezz tal-akkoppjament ta' swieq.

(19)

Jenħtieġ li fost l-għanijiet ewlenin ta' din id-Direttiva ikun dak li jkunu żgurati regoli komuni għal suq intern reali u provvista wiesgħa ta' elettriku li tkun aċċessibbli għal kulħadd. Għal dak il-għan, il-prezzijiet tas-suq mingħajr distorsjoni jkunu jistgħu jipprovdu inċentivi għall-interkonnessjonijiet transkonfinali u għal investimenti fil-ġenerazzjoni ġdida tal-elettriku filwaqt li jwasslu għall-konverġenza fil-prezzijiet fuq perjodu ta' żmien fit-tul.

(20)

Il-prezzijiet tas-suq jenħtieġ li jagħtu l-inċentivi t-tajba għall-iżvilupp tan-netwerk u biex ikun hemm investiment fil-ġenerazzjoni ġdida tal-elettriku.

(21)

Hemm tipi differenti ta' organizzazzjoni tas-suq li jeżistu fis-suq intern għall-elettriku. Il-miżuri li l-Istati Membri jistgħu jieħdu biex jiżguraw livell ta' kondizzjonijiet ugwali jenħtieġ li jkunu bbażati fuq rekwiżiti prevalenti ta' interess ġenerali. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tiġi kkonsultata dwar il-kompatibbiltà ta' dawk il-miżuri mat-TFUE u ma' liġijiet oħra tal-Unjoni.

(22)

L-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom diskrezzjoni wiesgħa biex jimponu obbligi ta' servizz pubbliku fuq l-impriżi tal-elettriku sabiex jintlaħqu għanijiet ta' interess ekonomiku ġenerali. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li klijenti domestiċi u, fejn l-Istati Membri jqisuh xieraq, intrapriżi żgħar, igawdu d-dritt li jkunu fornuti b'elettriku ta' kwalità speċifikata bi prezzijiet komparabbli b'mod ċar, trasparenti u kompetittivi. Madankollu, l-obbligi ta' servizz pubbliku f'forma ta' ffissar tal-prezzijiet għall-provvista tal-elettriku jikkostitwixxu miżura li fundamentalment twassal għal distorsjoni, li ta' spiss twassal għal akkumulazzjoni ta' żbilanċi tariffarji, il-limitazzjoni tal-għażla tal-konsumatur, inċentivi aktar dgħajfa għall-iffrankar tal-enerġija u għal investimenti fl-effiċjenza tal-enerġija, standards aktar baxxi tas-servizz, involviment u sodisfazzjoni aktar baxxi tal-konsumatur, u r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, kif ukoll li jkun hemm inqas prodotti u servizzi innovattivi fis-suq. B'konsegwenza, l-Istati Membri jenħtieġ li japplikaw għodod ta' politika oħra, b'mod partikolari, miżuri ta' politika soċjali mmirati biex il-prezzijiet tal-provvista tal-elettriku liċ-ċittadini tagħhom jibqgħu raġonevoli. L-interventi pubbliċi fl-iffissar tal-prezzijiet għall-provvista tal-elettriku jenħtieġ li jsiru biss bħala obbligi ta' servizz pubbliku u jenħtieġ li jkunu soġġetti għal kondizzjonijiet speċifiċi stabbiliti f'din id-Direttiva. Suq tal-bejgħ tal-elettriku bl-imnut kompletament liberalizzat u li jiffunzjona tajjeb jistimula l-kompetizzjoni, kemm mil-lat tal-prezzijiet kif ukoll minn lati oħra, fost il-fornituri eżistenti u jipprovdi inċentivi għad-dħul ta' parteċipanti ġodda fis-suq, u b'hekk jittejbu l-għażla u s-sodisfazzjoni tal-konsumaturi.

(23)

Jenħtieġ li l-obbligi ta' servizz pubbliku f'forma ta' ffissar tal-prezzijiet għall-provvista tal-elettriku jintużaw mingħajr ma jmorru kontra l-prinċipji ta' swieq miftuħa f'ċirkostanzi u benefiċjarji definiti b'mod ċar u jenħtieġ li jkunu għal tul ta' żmien limitat. Tali ċirkostanzi jistgħu jseħħu pereżempju fejn il-provvista hija ristretta ħafna, li tikkawża prezzijiet tal-elettriku ogħla b'mod sinifikanti min-normal, jew f'każ ta' falliment tas-suq fejn interventi minn awtoritajiet regolatorji u awtoritajiet tal-kompetizzjoni wrew li mhumiex effettivi. Dan jaffettwa b'mod sproporzjonat l-unitajiet domestiċi u, b'mod partikolari, il-klijenti vulnerabbli li tipikament jużaw sehem akbar mid-dħul disponibbli tagħhom għall-kontijiet tal-enerġija meta mqabbla ma' konsumaturi bi dħul għoli. Sabiex jittaffew l-effetti ta' distorsjoni tal-obbligi tas-servizz pubbliku fl-iffissar tal-prezzijiet għall-provvista tal-elettriku, l-Istati Membri li japplikaw tali interventi jenħtieġ li jistabbilixxu miżuri addizzjonali, inklużi miżuri sabiex jipprevjenu distorsjonijiet għall-iffissar tal-prezzijiet fis-suq tal-operaturi. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-benefiċjarji kollha ta' prezzijiet regolati jkunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-offerti disponibbli fis-suq kompetittiv meta dawn jagħżlu li jagħmlu dan. Għal dan il-għan, dawk il-benefiċjarji jenħtieġ li jkunu mgħammra b'sistemi ta' kejl intelliġenti u jkollhom aċċess għal-kuntratti dinamiċi tal-prezz tal-elettriku. Barra minn hekk, jenħtieġ li jkunu direttament u regolarment infurmati dwar l-offerti u l-iffrankar disponibbli fis-suq kompetittiv, b'mod partikolari relattivament għal kuntratti dinamiċi tal-prezz tal-elettriku, u jenħtieġ li jiġu pprovduti b'assistenza biex jirreaġixxu għal, u jibbenefikaw minn, offerti bbażati fuq is-suq.

(24)

Jenħtieġ li d-dritt tal-benefiċjarji ta' prezzijiet regolati li jirċievu kejl intelliġenti individwali mingħajr spejjeż żejda ma jfixxkilx lill-Istati Membri milli jimmodifikaw l-funzjonalità ta' sistemi ta' kejl intelliġenti fejn ma teżistix l-infrastruttura tal-kejl intelliġenti minħabba li l-valutazzjoni tal-kost-benefiċċju rigward l-introduzzjoni ta' sistemi ta' kejl intelliġenti kienet negattiva.

(25)

Jenħtieġ li l-interventi pubbliċi fl-iffissar tal-prezzijiet għall-provvista tal-elettriku ma jwasslux għal inter-sussidjarjetà diretta bejn kategoriji differenti ta' klijenti. Skont dak il-prinċipju, is-sistemi tal-prezzijiet ma għandhomx espliċitament iġiegħlu lil ċerti kategoriji ta' klijent iġarrbu l-ispiża tal-interventi fil-prezzijiet li jaffettwaw kategoriji oħrajn ta' klijent. Pereżempju, sistema tal-prezzijiet fejn l-ispiża jsofruha l-fornituri jew operaturi oħra b'mod mhux diskriminatorju jenħtieġ li ma titqiesx bħala inter-sussidjarjetàdiretta.

(26)

Biex tkun żgurata ż-żamma ta' standards għoljin ta' servizz pubbliku fl-Unjoni, il-miżuri kollha li jkunu ttieħdu mill-Istati Membri biex jinkiseb l-għan ta' din id-Direttiva jenħtieġ li jkunu notifikati regolarment lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tippubblika b'mod regolari rapport li janalizza l-miżuri meħuda f'livell nazzjonali biex jinkisbu l-għanijiet tas-servizz pubbliku u li jqabbel l-effikaċja tagħhom, bil-ħsieb li jsiru rakkomandazzjonijiet fir-rigward tal-miżuri li jridu jittieħdu f'livell nazzjonali biex jinkisbu standards għoljin ta' servizz pubbliku.

(27)

Jenħtieġ li jkun possibbli għall-Istati Membri li jaħtru fornitur bħala l-aħħar għażla tagħhom. Dak il-fornitur jista' jkun it-taqsima tal-bejgħ ta' impriża integrata vertikalment li tkun twettaq ukoll il-funzjonijiet ta' distribuzzjoni, dment li din tissodisfa r-rekwiżiti tas-separazzjoni f'din id-Direttiva.

(28)

Jenħtieġ li jkun possibbli għall-miżuri implementati mill-Istati Membri biex jinkisbu l-għanijiet tal-koeżjoni soċjali u ekonomika li jinkludu, b'mod partikolari, id-dispożizzjoni ta' inċentivi ekonomiċi adegwati, bl-użu, fejn adatt, ta' kwaunkwe għodda eżistenti kemm nazzjonali kif ukoll tal-Unjoni. Tali għodod jistgħu jinkludu mekkaniżmi ta' responsabbiltà biex jiggarantixxu l-investiment meħtieġ.

(29)

Sa fejn il-miżuri meħuda mill-Istati Membri biex jaderixxu mal-obbligi tas-servizz pubbliku jkunu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat taħt l-Artikolu 107(1) tat-TFUE, hemm obbligu taħt l-Artikolu 108(3) tat-TFUE li dawn jinnotifikawhom lill-Kummissjoni.

(30)

Il-liġi transettorjali tipprevedi bażi soda għall-protezzjoni tal-konsumatur għal firxa wiesgħa ta' servizzi tal-enerġija li jeżistu u tista' tevolvi. Madankollu, ċerti drittijiet kuntrattwali bażiċi tal-konsumaturi jenħtieġ li jiġu stabbiliti b'mod ċar.

(31)

Il-konsumaturi jenħtieġ li ssirilhom disponibbli informazzjoni li tinftiehem u mhux ambigwa dwar id-drittijiet tagħhom rigward is-settur tal-enerġija. Il-Kummissjoni, stabbilixxiet, wara li kkonsultat lill-partijiet ikkonċernati rilevanti, inklużi Stati Membri, awtoritajiet regolatorji, organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u intrapriżi tal-elettriku, lista għall-konsumaturi tal-enerġija li tipprovdi lill-konsumaturi informazzjoni prattika dwar id-drittijiet tagħhom. Dik il-lista jenħtieġ li tinżamm aġġornata, tiġi pprovduta lill-konsumaturi kollha u tkun disponibbli għall-pubbliku.

(32)

Diversi fatturi jimpedixxu lill-konsumaturi milli jkollhom aċċess, jifhmu u jieħdu azzjoni abbażi tas-sorsi varji ta' informazzjoni tas-suq disponibbli lilhom. Jirriżulta għalhekk li l-paragunabbiltà tal-offerti jenħtieġ li tittejjeb u l-ostakoli għall-bdil jenħtieġ li jiġu minimizzati kemm jista' jkun mingħajr ma tiġi limitata bla bżonn l-għażla għall-konsumaturi.

(33)

Fuq il-klijenti iżgħar għad hemm imposta firxa wiesgħa ta' tariffi, direttament jew indirettament bħala riżultat tal-bdil ta' fornitur. Tali tariffi jagħmluha iktar diffiċli sabiex jiġi identifikat l-aqwa prodott jew servizz u jnaqqsu l-vantaġġ finanzjarju immedjat ta' bdil minn fornitur għall-ieħor. Minkejja li t-tneħħija ta' tali tariffi tista' tillimita l-għażla tal-konsumaturi billi telimina prodotti bbażati fuq l-ippremjar tal-lealtà tal-konsumaturi, ir-restrizzjoni ulterjuri tal-użu tagħhom ittejjeb il-benesseri tal-konsumatur, l-involviment tiegħu u l-kompetizzjoni fis-suq.

(34)

X'aktarx li tul ta' żmien iqsar tal-bdil iħeġġeġ lill-konsumaturi biex ifittxu l-aqwa offerti fis-suq tal-enerġija u jibdlu l-fornitur. Biż-żieda fl-użu tat-teknoloġija tal-informazzjoni, sas-sena 2026, il-proċess tekniku ta' bdil għar-reġistrazzjoni ta' fornitur ġdid f'punt ta' kejl għand l-operatur tas-suq jenħtieġ li jkun tipikament possibbli li jitlesta fi żmien 24 siegħa fi kwalunkwe jum ta' xogħol. Minkejja passi oħrajn fil-proċess tekniku ta' bdil li għandhom jitlestew qabel ma jinbeda l-proċess ta' bdil, jekk tkun żgurata l-possibbiltà li sa dik id-data jseħħ il-proċess tekniku tal-bdil fi żmien 24 siegħa, ikun minimizzat it-tul ta' żmien tal-bdil, u dan jgħin iżid l-involviment tal-konsumatur u l-kompetizzjoni fis-suq tal-konsumaturi. Fi kwalunkwe każ, it-tul ta' żmien totali tal-proċess ta' bdil jenħtieġ li ma jaqbiżx tliet ġimgħat mid-data tat-talba tal-konsumatur.

(35)

L-għodod tat-tqabbil indipendenti, fosthom is-siti web, huma mezz effettiv għall-klijenti iżgħar sabiex jivvalutaw il-merti ta' offerti differenti tal-enerġija li huma disponibbli fis-suq. Tali għodod inaqqsu l-ispejjeż tat-tiftix peress li l-klijenti ma jkollhomx iktar il-ħtieġa li jiġbru informazzjoni minn fornituri individwali u minn fornituri tas-servizzi Tali għodod jistgħu jipprovdu l-aqwa bilanċ bejn il-ħtieġa biex l-informazzjoni tkun ċara u konċiża u l-ħtieġa li tkun sħiħa u komprensiva. Jenħtieġ li jimmiraw li jinkludu l-usa' firxa possibbli ta' offerti disponibbli, u li jkopru s-suq bl-aqwa mod possibbli biex il-konsumatur jingħata ħarsa ġenerali rappreżentattiva. Huwa kruċjali li l-klijenti iżgħar ikollhom aċċess għal tal-anqas għodda waħda ta' tqabbil u li l-informazzjoni mogħtija b'dawn l-għodda tkun affidabbli, imparzjali u trasparenti. Għal dak il-għan, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal għodda ta' tqabbil li titħaddem minn awtorità nazzjonali jew minn kumpannija privata.

(36)

Id-disponibilità ta' mekkaniżmi ta' riżoluzzjoni barra l-qorti ta' tilwim li jkunu effettivi u indipendenti, għall-konsumaturi kollha, bħal ombudsman tal-enerġija, korp tal-konsumaturi jew awtorità regolatorja, tiggarantixxi ħarsien akbar tal-konsumaturi. L-Istati Membri jenħtieġ li jintroduċu proċeduri rapidi u effettivi għat-trattament tal-ilmenti.

(37)

Il-konsumaturi kollha jenħtieġ li jkunu jistgħu jibbenefikaw minn parteċipazzjoni diretta fis-suq, b'mod partikolari billi jaġġustaw il-konsum tagħhom skont is-sinjali tas-suq, u b'hekk, jibbenefikaw minn prezzijiet aktar baxxi għall-elettriku jew minn ħlasijiet ta' inċentiv oħra. Il-benefiċċji ta' tali parteċipazzjoni attiva x'aktarx jiżdiedu maż-żmien, hekk kif ikun hemm sensibilizzazzjoni ta' konsumaturi altrimenti passivi dwar il-possibbiltajiet tagħhom bħala klijenti attivi u hekk kif l-informazzjoni dwar il-possibbiltajiet ta' parteċipazzjoni attiva ssir aktar aċċessibbli u magħrufa aħjar. Jenħtieġ li l-konsumaturi jkollhom il-possibbiltà li jipparteċipaw fil-forom kollha ta' rispons tad-domanda. Għalhekk jenħtieġ li huma jkollhom il-possibbiltà li jibbenefikaw mill-introduzzjoni sħiħa ta' sistemi ta' kejl intelliġenti u, fejn tali introduzzjoni tkun ġiet ivvalutata b'mod negattiv, li jkunu jistgħu jagħżlu li jkollhom sistema ta' kejl intelliġenti u kuntratt dwar prezz dinamiku tal-elettriku. Dan jenħtieġ li jippermettilhom jadattaw il-konsum tagħhom skont is-sinjali tal-prezzijiet f'ħin reali li jirriflettu l-valur u l- ispiża tal-elettriku jew it-trasport f'perjodi ta' żmien differenti, filwaqt li l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li tkun raġonevoli l-espożizzjoni tal-konsumaturi għar-riskji tal-prezzijiet bl-ingrossa. Jenħtieġ li l-konsumaturi jiġu informati dwar il-benefiċċji u r-riskji potenzjali tal-prezz tal-kuntratti dwar prezz dinamiku tal-elettriku. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw ukoll li dawk il-konsumaturi li jagħżlu li ma jkunux attivament involuti fis-suq ma jiġux ippenalizzati. Minflok, jenħtieġ li l-abbiltà tagħhom li jieħdu deċiżjonijiet informati dwar l-għażliet disponibbli lilhom tiġi ffaċilitata bil-mod l-aktar adatt għall-kondizzjonijiet tas-suq domestiku.

(38)

Sabiex jiġu massimizzati l-benefiċċji u l-effikaċja tal-ipprezzar dinamiku tal-elettriku, jenħtieġ li l-Istati Membri jivvalutaw il-potenzjal li jagħmlu l-komponenti fissi fil-kontijiet tal-elettriku aktar dinamiċi jew li jnaqqsu s-sehem tagħhom, u fejn ikun hemm tali potenzjal, jenħtieġ li jieħdu azzjoni adatta.

(39)

Il-gruppi kollha tal-klijenti (industrijali, kummerċjali u domestiċi) jenħtieġ li jkollhom aċċess għas-swieq tal-elettriku biex ikunu jistgħu jikkummerċjaw il-flessibbiltà tagħhom u l-elettriku li jiġġeneraw huma stess. Il-klijenti jenħtieġ li jkunu jistgħu jagħmlu użu sħiħ mill-vantaġġi tal-aggregazzjoni tal-produzzjoni u l-provvista fuq reġjuni akbar u jibbenefikaw mill-kompetizzjoni transkonfinali. Il-parteċipanti tas-suq impenjati fl-aggregazzjoni x'aktarx ikollhom rwol importanti bħala intermedjarji bejn gruppi ta' klijenti u s-suq. L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu liberi li jagħżlu l-mudell adatt ta' implimentazzjoni u l-approċċ adatt ta' governanza għal aggregazzjoni indipendenti filwaqt li jirrispettaw il-prinċipji ġenerali stabbiliti f'din id-Direttiva. Tali mudell jew approċċ jista' jinkludi l-għażla ta' prinċipji msejsa fis-suq jew prinċipji regolatorji li jipprovdu soluzzjonijiet sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva, bħal mudelli fejn l-iżbilanċi jiġu solvuti jew fejn jiġu introdotti korrezzjonijiet tal-perimetru. Il-mudell magħżul jenħtieġ li jkolluregoli trasparenti u ġusti biex l-aggregaturi indipendenti jitħallew jissodisfaw ir-rwol tagħhom bħala intermedjarji u biex jiżgura li l-konsumatur finali jibbenefika b'mod adegwat mill-attivitajiet tagħhom. Il-prodotti jenħtieġ li jiġu ddefiniti fis-swieqkollha tal-elettriku, inklużi s-swieq tas-servizzi anċillari u tal-kapaċità, biex tiġi mħeġġa l-parteċipazzjoni tar-rispons tad-domanda.

(40)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Lulju 2016, intitolata “L-Istrateġija Ewropea għal Mobbiltà b'Emissjonijiet Baxxi”, tenfasizza l-ħtieġa għad-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport u għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tiegħu, speċjalment f'żoni urbani, u tenfasizza r-rwol importanti li jista' jkollha l-elettromobbiltà biex jintlaħqu dawk l-għanijiet. Barra minn hekk, l-adozzjoni tal-elettromobbiltà tikkostitwixxi element importanti tat-tranżizzjoni tal-enerġija. Ir-regoli tas-suq stabbiliti f'din id-Direttiva għalhekk mistennija jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' kondizzjonijiet favorevoli għal vetturi elettriċi ta' kull tip. B'mod partikolari, jenħtieġ li jiżguraw l-introduzzjoni effettiva ta' punti tal-iċċarġjar aċċessibbli pubblikament u privati għall-vetturi elettriċi, u jenħtieġ li jiżguraw l-integrazzjoni effiċjenti tal-iċċarġjar tal-vetturi fis-sistema.

(41)

Ir-rispons tad-domanda huwa ċentrali biex jippermetti l-iċċarġjar intelliġenti tal-vetturi elettriċi u b'hekk jippermetti li vetturi elettriċi jiġu integrati b'mod effiċjenti fil-grilja tal-elettriku, element kruċjali għall-proċess ta' dekarbonizzazzjoni tat-trasport.

(42)

Il-konsumaturi jenħtieġ li jkunu jistgħu jikkunsmaw, jaħżnu u jbigħu l-elettriku li jiġġeneraw huma stess fis-suq u jipparteċipaw fis-swieq tal-elettriku kollha billi jipprovdu flessibbiltà lis-sistema, pereżempju permezz tal-ħżin tal-enerġija, bħall-ħżin bl-użu ta'vetturi tal-elettriku, permezz ta' rispons tad-domanda jew permezz ta' skemi tal-effiċjenza enerġetika. L-iżviluppi teknoloġiċi ġodda se jiffaċilitaw dawk l-attivitajiet fil-ġejjieni. Madankollu, jeżistu ostakoli kummerċjali u legali, inklużi, pereżempju, tariffi sproporzjonati għal elettriku kkunsmat internament, obbligi li l-elettriku awto ġenerat jiġi trażmess lis-sistema tal-enerġija, u piżijiet amministrattivi, bħall-bżonn għall-konsumaturi li jiġġeneraw l-elettriku huma stess u li jbigħuh lis-sistema biex jissodisfaw ir-rekwiżiti għall-fornituri, eċċ. Jenħtieġ li jitneħħew tali ostakoli li jxekklu lill-konsumaturi milli jiġġeneraw huma stess l-elettriku u milli jikkunsmaw, jaħżnu jew ibiegħu l-elettriku li jiġġeneraw huma stess lis-suq, filwaqt li jiġi żgurat li tali konsumaturi jikkontribwixxu b'mod adegwat għall-ispejjeż tas-sistema. Jenħtieġ li l-Istati Membri jista' jkollhom dispożizzjonijiet differenti fil-liġi nazzjonali tagħhom fir-rigward tat-taxxi u l-imposti għall-klijenti attivi individwali u għall-klijenti attivi li jaġixxu flimkien, kif ukoll għall-klijenti tal-unitajiet domestiċi u klijenti finali oħra.

(43)

It-teknoloġiji tal-enerġija distribwita u l-għoti ta' setgħat lill-konsumatur wasslu biex l-enerġija komunitarjassir mezz effikaċi u kosteffiċjenti biex jintlaħqu l-ħtiġijiet u l-aspettattivi taċ-ċittadini fir-rigward tas-sorsi tal-enerġija, ta' servizzi u ta' parteċipazzjoni lokali. L-enerġija komunitarja toffri għażla inklużiva għall-konsumaturi kollha biex ikollhom rwol dirett fil-produzzjoni, fil-konsum jew fil-qsim tal-enerġija. L-inizjattivi tal-enerġija komunitarja jiffokaw primarjament fuq il-forniment ta' tip speċifiku ta' enerġija, bħal pereżempju l-enerġija rinnovabbli, bi prezzijiet raġonevoli għall-membri jew azzjonisti tagħhom pjuttost milli jagħtu prijorità lill-profitti, kif tagħmel impriża tradizzjonali tal-elettriku. Permezz tal-involviment dirett tal-konsumaturi, l-inizjattivi tal-enerġija komunitarja juru l-potenzjal tagħhom biex jiffaċilitaw l-adozzjoni ta' teknoloġiji ġodda u xejriet ta' konsum ġodda, inklużi grilji tad-distribuzzjoni intelliġenti u rispons tad-domanda, b'mod integrat. L-enerġija komunitarja tista' wkoll tavvanza l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fuq il-livell tal-konsumaturi domestiċi u tgħin fil-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku permezz ta' tnaqqis tal-konsum u tariffi ta' provvista aktar baxxi. L-enerġija komunitarja tippermetti wkoll li ċerti gruppi ta' klijenti domestiċi jipparteċipaw fis-suq tal-elettriku li kieku ma setgħux jagħmlu dan. Fejn tħaddmu b'suċċess, tali inizjattivi taw benefiċċji ekonomiċi, soċjali u ambjentali fil-komunità, li jmorru lil hinn minn sempliċi benefiċċji li jirriżultaw mill-forniment tas-servizzi tal-enerġija. Din id-Direttiva għandha l-għan li tirrikonoxxi ċerti kategoriji ta' inizjattivi taċ-ċittadini fil-qasam tal-enerġija fil-livell tal-Unjoni bħala “komunitajiet tal-enerġija taċ-ċittadin”, biex tipprovdilhom qafas ta' abilitazzjoni, trattament ġust, kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni u katalgu definit sew ta' drittijiet u obbligi. Il-klijenti domestiċi jenħtieġ li jitħallew jipparteċipaw fuq bażi volontarja f'inizjattivi ta' enerġija komunitarja kif ukoll li jitilqu minnhom, mingħajr ma jitilfu l-aċċess għan-netwerk imħaddem mill-inizjattiva tal-enerġija komunitarja jew jitilfu d-drittijiet tagħhom bħala konsumaturi. L-aċċess għal netwerk ta' komunità tal-enerġija taċ-ċittadin jenħtieġ li jingħata b'termini ġusti u li jirriflettu l-ispejjeż.

(44)

Jenħtieġ li s-sħubija f'komunitajiet tal-enerġija taċ-ċittadin tkun miftuħa għall-kategoriji tal-entitajiet kollha, madankollu s-setgħat deċiżjonali fi ħdan komunità tal-enerġija taċ-ċittadin jenħtieġ li jkunu limitati għal dawk il-membri jew azzjonisti li ma jkunux involuti f'attività kummerċjali fuq skala kbira u li għalihom is-settur tal-enerġija mhuwiex qasam primarju ta' attività ekonomika. Il-komunitajiet tal-enerġija taċ-ċittadin huma meqjusa bħala kategorija ta' kooperazzjoni ta' ċittadini jew ta' atturi lokali li jenħtieġ li tkun soġġetta għal rikonoxximent u protezzjoni taħt il-liġi tal-Unjoni. Id-dispożizzjonijiet dwar komunitajiet tal-enerġija taċ-ċittadin ma jipprekludux l-eżistenza ta' inizjattivi oħra taċ-ċittadini bħal dawk derivati minn ftehimiet ta' dritt privat. Jenħtieġ għalhekk li jkun possibbli għall-Istati Membri li jipprevedu li l-komunitajiet tal-enerġija taċ-ċittadin jieħdu kwalunkwe forma ta' entità, pereżempju dik ta' assoċjazzjoni, kooperattiva, sħubija, organizzazzjoni mhux bi skop ta' qligħ jew intrapriża żgħira jew ta' daqs medju, dment li l-entità tkun intitolata li teżerċita drittijiet u tkun soġġetta għal obbligi f'isimha stess.

(45)

Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva dwar il-komunitajiet tal-enerġija taċ-ċittadin jipprovdu għal drittijiet u obbligi, li jistgħu jiġu dedotti minn drittijiet u obbligi oħra eżistenti, bħal-libertà kuntrattwali, id-dritt li jinbidel il-fornitur, ir-responsabbiltajiet tal-operatur tas-sistema ta' distribuzzjoni, ir-regoli dwar imposti tan-netwerk, u obbligi ta' bbilanċjar.

(46)

Il-komunitajiet tal-enerġija taċ-ċittadin jikkostitwixxu tip ġdid ta' entità minħabba l-istruttura ta' sħubija, ir-rekwiżiti ta' governanza u l-iskop tagħhom. Jenħtieġ li jitħallew joperaw fis-suq b'kondizzjonijiet ekwivalenti mingħajr distorsjoni fil-kompetizzjoni u jenħtieġ li d-drittijiet u obbligi li japplikaw għall-impriżi l-oħra tal-elettriku fis-suq jenħtieġ li jiġu applikati għall-komunitajiet tal-enerġija taċ-ċittadin b'mod mhux diskriminatorju u proporzjonat. Dawk id-drittijiet u l-obbligi jenħtieġ li japplikaw skont ir-rwoli li huma jassumu, bħar-rwoli ta' klijenti finali, produtturi, fornituri jew operaturi ta' sistemi ta' distribuzzjoni. Il-komunitajiet tal-enerġija taċ-ċittadin jenħtieġ li ma jiffaċċjawx restrizzjonijiet meta japplikaw teknoloġiji ta' informazzjoni u komunikazzjonijiet eżistenti jew futuri biex jaqsmu l-elettriku prodott mill-assi tal-ġenerazzjoni fil-komunità fost il-membri jew l-azzjonisti tagħhom fuq il-bażi tal-prinċipji tas-suq, pereżempju billi jikkumpensaw il-komponent tal-enerġija tal-membri jew tal-azzjonisti billi jużaw il-ġenerazzjoni disponibbli fi ħdan il-komunità tal-enerġija taċ-ċittadin, anke fin-netwerk pubbliku, sakemm iż-żewġ punti tal-kejl ikunu tal-komunità. Il-qsim tal-elettriku jippermetti li l-membri jew l-azzjonisti jiġu fornuti bl-elettriku mill-installazzjonijiet ta' ġenerazzjoni fi ħdan il-komunità mingħajr ma jkunu fi prossimità diretta tal-installazzjoni ta' ġenerazzjoni u mingħajr ma jkunu wara punt ta' kejl uniku. Fejn l-elettriku jinqasam, il-qsim jenħtieġ li ma jaffettwax il-ġbir ta' imposti tan-netwerk, tariffi u ħlasijiet relatati mal-fluss tal-elettriku. Jenħtieġ li l-qsim ikun iffaċilitat skont l-obbligi u skedi korretti ta' żmien għall-ibbilanċjar, kejl bil-miters u ħlas. Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva dwar il-komunitajiet tal-enerġija taċ-ċittadin ma jinċidux fuq il-kompetenza tal-Istati Membri biex ifasslu u jimplimentaw politiki relatati mas-settur tal-enerġija relattivament għal imposti u tariffi tan-netwerk, jew biex ifasslu u jimplimentaw sistemi ta' ffinanzjar tal-politika tal-enerġija u l-qsim tal-ispejjeż, dment li dawk il-politiki jkunu non-diskriminatorji u skont il-liġi.

(47)

Din id-Direttiva tagħti s-setgħa lill-Istati Membri li jippermettu lil komunitajiet tal-enerġija taċ-ċittadin isiru operaturi ta' sistemi ta' distribuzzjoni taħt ir-reġim globali jew bħala “operaturi ta' sistemi ta' distribuzzjoni magħluqa”. Ladarba komunità tal-enerġija taċ-ċittadin tingħata l-istatus ta' operatur ta' sistema ta' distribuzzjoni, jenħtieġ li tiġi trattata bħala, u tkun soġġetta għall-istess obbligi ta', operatur ta' sistema ta' distribuzzjoni. Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva dwar il-komunitajiet tal-enerġija taċ-ċittadin jiċċaraw biss l-aspetti tal-operazzjoni ta' sistema ta' distribuzzjoni li x'aktarx huma rilevanti għall-komunitajiet tal-enerġija taċ-ċittadin, filwaqt li aspetti oħra tal-operazzjoni ta' sistema ta' distribuzzjoni japplikaw skont ir-regoli relatati mal-operaturi ta' sistema ta' distribuzzjoni.

(48)

Il-kontijiet tal-elettriku huma mezz importanti li bih jinżammu infurmati l-klijenti finali. Minbarra li jipprovdu data dwar il-konsum u l-ispejjeż, jistgħu wkoll iwasslu informazzjoni oħra li tgħin lill-konsumaturi jqabblu l-arranġamenti attwali tagħhom ma' offerti oħra. Madankollu,it-tilwim fuq kontijiet huwa sors komuni ħafna ta' lmenti mill-konsumaturi, fattur li jikkontribwixxi għal livelli persistentement baxxi ta' sodisfazzjon tal-konsumaturi u ta' involviment fis-settur tal-elettriku. Għalhekk huwa meħtieġ li l-kontijietisiru aktar ċari u faċli li jinftiehmu, kif ukoll li jiġi żgurat li l-kontijiet u l-informazzjoni tal-kont juru b'mod prominenti għadd limitat ta' punti ta' informazzjoni importanti li huma meħtieġa biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jirregolaw il-konsum tagħhom tal-enerġija, iqabblu l-offerti u jibdlu l-fornitur. Jenħtieġ li jkunu disponibbli punti ta' informazzjoni oħra lill-klijenti finali fil-kontijiet tagħhom, jew jingħataw magħhom jew indikati fuqhom. Tali punti jenħtieġ li jintwerew fuq il-kont jew ikunu f'dokument separat mehmuż mal-kont, jew il-kont jenħtieġ li jinkludi referenza għal fejn il-klijent finali jista' faċilment isib l-informazzjoni fuq sit web, permezz ta' applikazzjoni tal-mowbajl, jew b'mezzi oħra.

(49)

Il-provvista regolari ta' informazzjoni preċiża tal-kont ibbażata fuq il-konsum attwali tal-elettriku, iffaċilitata mill-kejl intelliġenti, hija importanti biex tgħin lill-klijenti jikkontrollaw il-konsum tal-elettriku u l-ispejjeż tagħhom. Madankollu, il-klijenti, partikolarment klijenti domestiċi, jenħtieġ li jkollhom aċċess għal arranġamenti flessibbli għall-ħlas reali tal-kontijiet tagħhom. Pereżempju, jista' jkun possibbli għall-klijenti li jingħataw informazzjoni frekwenti dwar il-kont, filwaqt li jħallsu biss kull tliet xhur, jew jista' jkun hemm prodotti li għalihom il-klijent iħallas l-istess ammont kull xahar, indipendentement mill-konsum reali tagħhom.

(50)

Id-dispożizzjonijiet dwar il-kontijiet fid-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) jenħtieġ li jiġu aġġornati, issimplifikati u trasferiti għal din id-Direttiva, fejn jidħlu b'mod aktar koerenti.

(51)

L-Istati Membri jenħtieġ li jinkoraġġixxu l-modernizzazzjoni tan-netwerks ta' distribuzzjoni, pereżempju permezz tal-introduzzjoni ta' grilji intelliġenti, li jenħtieġ li jinbnew b'mod li jinkoraġġixxi l-ġenerazzjoni deċentralizzata u jiżgura l-effiċjenza tal-enerġija.

(52)

L-involviment tal-konsumaturi jesiġi inċentivi u teknoloġiji adatti bħal sistemi ta' kejl intelliġenti. Is-sistemi ta' kejl intelliġenti jagħtu setgħat lill-konsumaturi għaliex jippermettulhom li jirċievu feedback preċiż u kważi f'ħin reali dwar il-konsum jew il-ġenerazzjoni tagħhom, u li jkunu jistgħu jamministraw il-konsum tagħhom b'mod aħjar, jipparteċipaw fi, u jibbenefikaw minn, programmi ta' rispons-domanda u servizzi oħra, u jnaqqsu l-kontijiet tal-elettriku tagħhom. Is-sistemi ta' kejl intelliġenti jippermettu wkoll li l-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni jkollhom viżibbiltà aħjar tan-netwerks tagħhom, u b'konsegwenza jnaqqsu l-ispejjeż tat-tħaddim u l-manutenzjoni tagħhom u jgħaddu lill-konsumaturi dak l-iffrankar f'tariffi orħos tad-distribuzzjoni.

(53)

Meta jittieħdu deċiżjonijiet fil-livell nazzjonali dwar l-introduzzjoni ta' sistemi ta' kejl intelliġenti, jenħtieġ li jkun possibbli li din id-deċiżjoni tkun ibbażata fuq valutazzjoni ekonomika. Jenħtieġ li dik l-evalwazzjoni ekonomika tqis il-benefiċċji fit-tul tal-introduzzjoni ta' sistemi ta' kejl intelliġenti għall-konsumaturi u għall-katina kollha tal-valur, bħal ġestjoni aħjar tan-netwerk, ippjanar u identifikazzjoni aktar preċiżi tat-telf tan-netwerk. Jekk din l-evalwazzjoni tikkonkludi li l-introduzzjoni ta' tali sistemi ta' kejl tkun kosteffikaċi biss għall-konsumaturi b'ċertu ammont ta' konsum tal-elettriku, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jqisu din il-konklużjoni meta jipproċedu bl-introduzzjoni ta' sistemi ta' kejl intelliġenti. Madankollu, jenħtieġ li tali evalwazzjonijiet jiġu rieżaminati regolarment f'rispons għal tibdil sinjifikanti fis-suppożizzjonijiet sottostanti, jew mill-inqas kull erba' snin, fid-dawl tal-iżviluppi rapidi fit-teknoloġija.

(54)

L-Istati Membri li ma jintroduċux sistematikament sistemi ta' kejl intelliġenti jenħtieġ li jippermettu lill-konsumaturi li jibbenefikaw bl-installazzjoni ta' miter intelliġenti, fuq talba u taħt kondizzjonijiet ġusti u raġonevoli, u jenħtieġ li jipprovdulhom l-informazzjoni rilevanti kollha. Fejn il-konsumaturi ma jkollhomx kejl intelliġenti, jenħtieġ li jkunu intitolati għal miters li jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi meħtieġa biex jipprovdulhom l-informazzjoni dwar il-kont speċifikata f'din id-Direttiva.

(55)

Biex il-konsumaturi jkunu megħjuna jieħdu sehem attiv fis-swieq tal-elettriku, is-sistemi ta' kejl intelliġenti li għandhom jiġu introdotti mill-Istati Membri fit-territorju tagħhom jenħtieġ li jkunu interoperabbli, u jenħtieġ li jkunu kapaċi jipprovdu data meħtieġa għas-sistemi ta' ġestjoni tal-enerġija tal-konsumatur. Għal dak il-għan, l-Istati Membri jenħtieġ li jqisu debitament l-użu tal-istandards disponibbli rilevanti, inklużi standards li jippermettu l-interoperabbiltà fil-livell tal-mudell tad-data u tal-applikazzjoni, l-aqwa prattiki u l-importanza tal-iżvilupp tal-iskambju tad-data, servizzi futuri u innovattivi tal-enerġija, l-introduzzjoni ta' grilji intelliġenti u s-suq intern għall-elettriku. Barra minn hekk, is-sistemi ta' kejl intelliġenti li huma skjerati jenħtieġ li ma jirrappreżentawx ostaklu għall-bdil ta' fornituri, u jenħtieġ li jkunu mgħammra b'funzjonalitajiet adatti għall-iskopijiet tagħhom li jippermettu li l-konsumaturi jkollhom aċċess f'ħin reali għad-data dwar il-konsum tagħhom, jimmodulaw il-konsum tal-enerġija tagħhom u, sa fejn tippermetti l-infrastruttura, joffru l-flessibbiltà tagħhom lin-netwerk u lill-impriżi tal-elettriku u jkunu ppremjati minnhom u jiffrankaw fuq il-kontijiet tal-elettriku tagħhom.

(56)

Aspett prinċipali fil-provvista lill-klijenti huwa l-għoti ta' aċċess għal data oġġettiva u trasparenti dwar il-konsum. Għalhekk, il-konsumaturi jenħtieġ li jkollhom id-dritt li jaċċedu għad-data tal-konsum tagħhom u l-prezzijiet u spejjeż tas-servizzi assoċjati mal-konsum tagħhom sabiex ikunu jistgħu jistiednu lill-kompetituri biex jagħmlu offerti bbażati fuq dik l-informazzjoni. Il-konsumaturi jenħtieġ li jkollhom ukoll id-dritt li jiġu infurmati sewwa dwar il-konsum tal-enerġija tagħhom. Il-ħlasijiet minn qabel jenħtieġ li ma jkunux ta' żvantaġġ sproporzjonat fuq l-utenti tagħhom, filwaqt li s-sistemi ta' pagamenti differenti jenħtieġ li jkunu nondiskriminatorji. L-informazzjoni dwar l-ispejjeż tal-enerġija mogħtija lill-konsumaturi b'mod frekwenti biżżejjed toħloq inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija għaliex tagħti lura lill-konsumaturi informazzjoni diretta dwar l-effetti tal-investiment fl-użu effiċjenti tal-enerġija u dwar bidliet fl-imġiba. F'dak ir-rigward, l-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva 2012/27/UEse tgħin lill-konsumaturi biex inaqqsu l-ispejjeż tal-enerġija tagħhom.

(57)

Attwalment, ġew żviluppati, jew qegħdin jiġu żviluppati, mudelli differenti għall-ġestjoni tad-data fl-Istati Membri wara l-introduzzjoni ta' sistemi ta' kejl intelliġenti. Indipendentement mill-mudell tal-ġestjoni tad-data, huwa importanti li l-Istati Membri jistabbilixxu regoli trasparenti biex ikun jista' jsir aċċess għad-data f'kondizzjonijiet mhux diskriminatorji u jiġu żgurati l-ogħla livelli ta' ċibersigurtà u protezzjoni tad-data kif ukoll l-imparzjalità tal-entitajiet li jipproċessaw id-data.

(58)

L-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipproteġu klijenti vulnerabbli u f'qagħda ta' faqar enerġetiku fil-kuntest tas-suq intern għall-elettriku. Tali miżuri jistgħu jkunu differenti skont iċ-ċirkustanzi partikolari fl-Istati Membri inkwistjoni u jistgħu jinkludu miżuri soċjali jew fil-qasam tal-politika tal-enerġija relatati mal-ħlasijiet ta' kontijiet tal-elettriku, mal-investiment fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija f'binjiet residenzjali, jew mal-ħarsien tal-konsumaturi bħala salvagwardji kontra l-iskonnessjoni. Fejn servizz universali jingħata wkoll lil impriżi żgħar, il-miżuri biex tkun żgurata provvista ta' servizz universali jistgħu jkunu differenti skont jekk dawk il-miżuri jkunux immirati lejn klijenti domestiċi jew lejn impriżi żgħar.

(59)

Is-servizzi tal-enerġija huma fundamentali biex jiġi mħares il-benesseri taċ-ċittadini tal-Unjoni. It-tisħin, it-tkessiħ u d-dawl, u l-enerġija għall-alimentazzjoni ta' apparati elettriċi, li jkunu adegwati huma essenzjali biex jiġi garantit livell ta' għajxien deċenti u s-saħħa taċ-ċittadini. Barra minn hekk, l-aċċess għal dawk is-servizzi tal-enerġija jippermetti liċ-ċittadini tal-Unjoni jilħqu l-potenzjal tagħhom u jtejjeb l-inklużjoni soċjali. Id-djar f'faqar enerġetiku ma jifilħux iħallsu għal dawk is-servizzi tal-enerġija minħabba kombinazzjoni ta' introjtu baxx, nefqa kbira fuq l-enerġija u faqar tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fi djarhom. L-Istati Membri jenħtieġ li jiġbru l-informazzjoni t-tajba biex jimmonitorjaw l-għadd ta' djar f'qagħda ta' faqar enerġetiku. Il-kejl preċiż jenħtieġ li jgħin lill-Istati Membri biex jidentifikaw id-djar li huma milquta mill-faqar enerġetiku sabiex jipprovdulhom appoġġ immirat. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tappoġġa b'mod attiv l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva dwar il-faqar enerġetiku billi tiffaċilita l-iskambju ta' prattiki tajba bejn l-Istati Membri.

(60)

Fejn Stati Membri jkunu affettwati mill-faqar enerġetiku u ma jkunux żviluppaw pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali jew oqfsa xierqa oħrajn biex jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku, huma jenħtieġ li jagħmlu dan, bil-għan li jonqos l-għadd ta' klijenti f'qagħda ta' faqar enerġetiku. Introjti baxxi, nefqa għolja fuq l-enerġija u faqar tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tad-djar huma fatturi rilevanti meta jiġu stabbiliti kriterji għall-kejl tal-faqar enerġetiku. Fi kwalunkwe każ, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw il-provvista meħtieġa għall-konsumaturi vulnerabbli u dawk f'faqar enerġetiku. Meta jagħmlu dan, jista' jintuża approċċ integrat, pereżempju fil-qafas tal-politika tal-enerġija u dik soċjali, u l-miżuri jistgħu jinkludu politiki soċjali jew titjib għall-użu tal-enerġija b'mod aktar effiċjenti għad-djar. Din id-Direttiva jenħtieġ li ssaħħaħ il-politiki nazzjonali li jiffavorixxu lill-konsumaturi vulnerabbli u dawk f'faqar enerġetiku.

(61)

L-operaturi tas-sistemi ta' distribuzzjoni jenħtieġ li jintegraw b'mod kosteffiċjenti l-ġenerazzjoni l-ġdida tal-elettriku, speċjalment installazzjonijiet li jiġġeneraw elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli, kif ukoll tagħbijiet ġodda bħal tagħbijiet li jirriżultaw minn pompi tas-sħana u vetturi elettriċi. Għal dak l-għan, l-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni jenħtieġ li jitħallew, u jiġu pprovduti b'inċentivi biex, jużaw servizzi minn riżorsi tal-enerġija distribwiti bħar-rispons tad-domanda u l-ħżin tal-enerġija, abbażi tal-proċeduri tas-suq, sabiex iħaddmu b'mod effiċjenti n-netwerks tagħhom u sabiex jevitaw espansjonijiet tan-netwerk li jiswew ħafna. L-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu miżuri xierqa bħal kodiċijiet tan-netwerk nazzjonali u regoli tas-suq, u jenħtieġ li jipprovdu inċentivi lill-operaturi tas-sistemi ta' distribuzzjoni permezz ta' tariffi tan-netwerk li ma joħolqux ostakoli għall-flessibbiltà jew għat-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-grilja. L-Istati Membri jenħtieġ li jintroduċu wkoll pjanijiet ta' żvilupp tan-netwerk għas-sistemi ta' distribuzzjoni sabiex tiġi appoġġata l-integrazzjoni tal-installazzjonijiet li jiġġeneraw elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli, jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta' faċilitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-elettrifikazzjoni tas-settur tat-trasport, u biex l-utenti tas-sistema jingħataw informazzjoni adegwata rigward l-espansjonijiet antiċipati jew l-aġġornamenti tan-netwerk, peress li attwalment tali proċeduri ma jeżistux fil-maġġoranza tal-Istati Membri.

(62)

L-operaturi tas-sistemi jenħtieġ li la jkunu s-sidien ta', la jiżviluppaw, la jamministraw u lanqas joperaw, faċilitajiet tal-ħżin tal-enerġija. Jenħtieġ li s-servizzi ta' ħżin tal-enerġija fid-disinn il-ġdid tas-suq tal-elettriku jkunu bbażati fuq is-suq u kompetittivi. Konsegwentement, jenħtieġ li s-sussidju inkroċjat bejn il-ħżin tal-enerġija u l-funzjonijiet regolati tad-distribuzzjoni jew trażmissjoni jiġi evitat. Tali restrizzjonijiet fuq is-sjieda ta' faċilitajiet ta' ħżin tal-enerġija għandhom jipprevjenu d-distorsjoni tal-kompetizzjoni, jeliminaw ir-riskju tad-diskriminazzjoni, jiżguraw l-aċċess ġust għas-servizzi ta' ħżin tal-enerġija lill-parteċipanti tas-suq kollha u jippromwovu l-użu effikaċi u effiċjenti tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-enerġija, lil hinn mill-operazzjoni tas-sistema ta' distribuzzjoni jew trażmissjoni. Dak ir-rekwiżit jenħtieġ li jkun interpretat u applikat f'konformità mad-drittijiet u l-prinċipji stabbiliti taħt il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”), b'mod partikolari d-dritt għal-libertà ta' intrapriża u d-dritt għall-proprjetà ggarantiti mill-Artikoli 16 u 17 tal-Karta.

(63)

Fejn il-faċilitajiet tal-ħżin tal-enerġija jkunu komponenti tan-netwerk kompletament integrati li ma jkunux użati tal-ibbilanċjar jew għall-ġestjoni tal-konġestjoni, jenħtieġ li dawn, soġġett għal approvazzjoni mill-awtorità regolatorja, ma jkunux rikjesti jikkonformaw mal-istess limitazzjonijiet stretti għall-operaturi tas-sistemi bħala sidien ta', jew meta jiżviluppaw, jamministraw jew joperaw, dawk il-faċilitajiet. Tali komponenti tan-netwerk kompletament integrati jistgħu jinkludu faċilitajiet tal-ħżin tal-enerġija bħal kapaċitaturi jew 'fly wheels' li jipprovdu servizzi importanti għas-sigurtà u l-affidabbiltà tan-netwerk, u jikkontribwixxu għas-sinkronizzazzjoni tal-partijiet differenti tas-sistema.

(64)

Bl-għan li jsir progress lejn settur tal-elettriku kompletament dekarbonizzat li huwa ħieles b'mod sħiħ mill-emissjonijiet, jeħtieġ li jsir progress fil-ħżin staġjonali tal-enerġija. Tali ħżin tal-enerġija huwa element li jservi bħala għodda għat-tħaddim tas-sistema tal-elettriku sabiex ikun jista' jsir aġġustament fi żmien qasir kif ukoll staġjonali, sabiex tlaħħaq mal-varjabbiltà fil-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli u l-kontinġenzi assoċjati f'dawk l-orizzonti.

(65)

L-aċċess nondiskriminatorju għan-netwerk ta' distribuzzjoni jiddetermina l-aċċess 'downstream' għall-klijenti fil-livell tal-bejgħ bl-imnut. Sabiex jinħolqu kondizzjonijiet ekwi fil-livell tal-bejgħ bl-imnut, l-attivitajiet ta' operaturi tas-sistemi ta' distribuzzjoni jenħtieġ li għalhekk ikunu mmonitorjati sabiex l-operaturi tas-sistemi ta' distribuzzjoni ma jitħallewx japprofittaw mill-integrazzjoni vertikali tagħhom fir-rigward tal-pożizzjoni kompetittiva tagħhom fis-suq, partikolarment fir-rigward ta' klijenti domestiċi u klijenti żgħar mhux domestiċi.

(66)

Fejn tintuża sistema ta' distribuzzjoni magħluqa biex tiġi żgurata l-aqwa effiċjenza ta' provvista integrata li tirrikjedi standards operazzjonali speċifiċi, jew fejn tinżamm sistema ta' distribuzzjoni magħluqa prinċipalment għall-użu tal-proprjetarju tas-sistema, jenħtieġ li jkun possibbli li l-operatur tas-sistema tal-produzzjoni jkun eżentat mill-obbligi li kieku joħolqu piż amministrattiv bla bżonn minħabba n-natura partikolari tar-relazzjoni bejn l-operatur tas-sistema ta' distribuzzjoni u l-utenti tas-sistema. Is-siti industrijali, is-siti kummerċjali jew kondiviżi bħall-istazzjonijiet tal-ferroviji, l-ajruporti, l-isptarijiet u s-siti kbar tal-kampeġġ li jkollhom faċilitajiet integrati, u s-siti tal-industrija kimika jistgħu jinkludu sistemi ta' distribuzzjoni magħluqa minħabba n-natura speċjalizzata tal-operat tagħhom.

(67)

Mingħajr is-separazzjoni effettiva tan-netwerks mill-attivitajiet ta' ġenerazzjoni u provvista (“unbundling” effettiva), hemm ir-riskju inerenti ta' diskriminazzjoni mhux biss fl-operat tan-netwerk iżda wkoll fl-inċentivi għal impriżi integrati vertikalment li jinvestu b'mod adegwat fin-netwerks tagħhom.

(68)

Hija biss it-tneħħija tal-inċentiv għall-impriżi integrati vertikalment li jiddiskriminaw kontra kompetituri fir-rigward tal-aċċess għan-netwerk u l-investiment li tista' tiżgura s-separazzjoni effettiva. Is-separazzjoni tas-sjieda, li timplika l-ħatra tal-proprjetarju tan-netwerk bħala l-operatur tas-sistema u l-indipendenza tiegħu minn kwalunkwe interess ta' provvista u produzzjoni, hija b'mod ċar mezz effettiv u stabbli biex jiġi solvut il-kunflitt ta' interessi inerenti u biex tkun żgurata s-sigurtà tal-provvista. Għal dik ir-raġuni, il-Parlament Ewropew fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Lulju 2007 dwar prospetti għas-suq intern tal-gass u tal-elettriku, irrefera għas-separazzjoni tas-sjieda fil-livell tat-trażmissjoni bħala l-aktar għodda effettiva għall-promozzjoni tal-investimenti fl-infrastruttura b'mod mhux diskriminatorju, għall-aċċess ġust għan-netwerk għal parteċipanti ġodda u għat-trasparenza fis-suq. Taħt is-separazzjoni tas-sjieda, l-Istati Membri jenħtieġ li għalhekk ikunu obbligati jiżguraw li l-istess persuna jew persuni ma jkunux intitolati jeżerċitaw kontroll fuq prodottur jew fornitur u, fl-istess waqt, jeżerċitaw kontroll jew kwalunkwe dritt fuq operatur tas-sistema ta' trażmissjoni jew sistema ta' trażmissjoni. Bil-kontra, il-kontroll fuq operatur ta' sistema ta' trażmissjoni jew sistema ta' trażmissjoni jenħtieġ li jipprekludi l-possibbiltà li jiġi eżerċitat kontroll jew kwalunkwe dritt fuq produttur jew fornitur. F'dawn il-limiti, prodottur jew fornitur jenħtieġ li jkun jista' jkollu parteċipazzjoni azzjonarja minoritarja f'operatur tas-sistema ta' trażmissjoni jew f'sistema ta' trażmissjoni.

(69)

Kwalunkwe sistema ta' separazzjoni jenħtieġ li tkun effettiva fit-tneħħija ta' kwalunkwe kunflitt ta' interessi bejn il-produtturi, il-fornituri u l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni, sabiex jinħolqu inċentivi għall-investimenti neċessarji u jiġi garantit l-aċċess ta' parteċipanti ġodda fis-suq taħt sistema regolatorja trasparenti u effiċjenti u jenħtieġ li ma toħloqx sistema regolatorja oneruża żżejjed għall-awtoritajiet regolatorji.

(70)

Minħabba li s-separazzjoni tas-sjieda teħtieġ ir-ristrutturazzjoni tal-impriżi f'xi każijiet, l-Istati Membri li jiddeċiedu li jimplimentaw is-separazzjoni tas-sjieda jenħtieġ li jingħataw żmien addizzjonali biex japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti. Fid-dawl tal-konnessjonijiet vertikali bejn is-setturi tal-elettriku u tal-gass, id-dispożizzjonijiet dwar is-separazzjoni jenħtieġ li japplikaw għaż-żewġ setturi.

(71)

Taħt is-separazzjoni tas-sjieda, sabiex tiġi żgurata l-indipendenza sħiħa tal-operat tan-netwerk mill-interessi tal-provvista u l-ġenerazzjoni, u sabiex ma jkun hemm skambji ta' ebda informazzjoni kunfidenzjali, jenħtieġ li l-istess persuna ma tkunx membru tal-bord ta' amministrazzjoni kemm ta' operatur tas-sistema ta' trażmissjoni jew sistema ta' trażmissjoni kif ukoll ta' impriża li twettaq kwalunkwe funzjoni ta' ġenerazzjoni jew provvista. Għall-istess raġuni, jenħtieġ li l-istess persuna ma tkunx intitolata taħtar membri tal-bordijiet ta' amministrazzjoni ta' operatur tas-sistema ta' trażmissjoni jew sistema ta' trażmissjoni u teżerċita kontroll jew kwalunkwe dritt fuq produttur jew fornitur.

(72)

L-istabbiliment ta' operatur ta' sistema jew ta' operatur tat-trażmissjoni li jkun indipendenti mill-interessi ta' provvista u ta' ġenerazzjoni jenħtieġ li jippermetti lill-impriżi integrati vertikalment iżommu d-dritt tas-sjieda tagħhom fir-rigward tal-assi tan-netwerk filwaqt li jiżgura s-separazzjoni effettiva tal-interessi, dment li tali operatur indipendenti ta' sistema jew operatur indipendenti tat-trażmissjoni jwettaq il-funzjonijiet kollha ta' operatur tas-sistema, u dment li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta' regolamentazzjoni dettaljata u ta' kontroll regolatorju estensiv.

(73)

Fejn, fit-3 ta' Settembru 2009, impriża proprjetarja ta' sistema tat-trażmissjoni kienet parti minn impriża integrata vertikalment, l-Istati Membri jenħtieġ li jingħataw l-għażla bejn is-separazzjoni tas-sjieda u l-istabbiliment ta' operatur ta' sistema jew ta' operatur tat-trażmissjoni li jkunu indipendenti mill-interessi ta' provvista u ta' ġenerazzjoni.

(74)

Sabiex jiġu ppreżervati totalment l-interessi tal-azzjonisti tal-impriżi integrati vertikalment, l-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom l-għażla li jimplimentaw separazzjoni tas-sjieda permezz ta' żvestiment dirett jew billi jinqasmu l-ishma tal-impriża integrata f'ishma tal-impriża tan-netwerk u ishma ta' impriża residwali ta' provvista u tal-ġenerazzjoni, dment li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti li jirriżultaw mis-separazzjoni tas-sjieda.

(75)

L-effikaċja sħiħa tal-operatur indipendenti tas-sistema jew tas-soluzzjonijiet tal-operatur indipendenti tat-trażmissjoni jenħtieġ li tiġi żgurata permezz ta' regoli addizzjonali speċifiċi. Ir-regoli dwar l-operaturi indipendenti tat-trażmissjoni jipprovdu qafas regolatorju xieraq għall-garanzija ta' kompetizzjoni ġusta, investiment suffiċjenti, aċċess għal parteċipanti ġodda fis-suq u għall-integrazzjoni tas-swieq tal-elettriku. Is-separazzjoni effettiva permezz ta' dispożizzjonijiet dwar l-operaturi indipendenti tat-trażmissjoni jenħtieġ li tkun ibbażata fuq pilastru ta' miżuri organizzattivi u miżuri relatati mal-governanza tal-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni u fuq pilastru ta' miżuri relatati mal-investiment, mal-konnessjoni ta' kapaċitajiet ġodda ta' produzzjoni man-netwerk u mal-integrazzjoni tas-suq permezz ta' kooperazzjoni reġjonali. L-indipendenza tal-operaturi tat-trażmissjoni jenħtieġ li tiġi żgurata wkoll, inter alia, permezz ta' ċerti perjodi ta' preklużjoni li matulhom, fl-impriża integrata vertikalment, ma ssir l-ebda attività ta' ġestjoni jew attività rilevanti oħra li tagħti aċċess għall-istess informazzjoni li setgħet inkisbet f'pożizzjoni maniġerjali.

(76)

L-Istati Membri għandhom id-dritt li jagħżlu separazzjoni sħiħa tas-sjieda fit-territorju tagħhom. Fejn Stat Membru jkun eżerċita dak id-dritt, impriża ma jkollhiex id-dritt li tistabbilixxi operatur indipendenti ta' sistema jew operatur indipendenti tat-trażmissjoni. Barra minn hekk, impriża li tkun qed twettaq kwalunkwe mill-funzjonijiet ta' ġenerazzjoni jew provvista ma tista' tikkontrolla jew teżerċita direttament jew indirettament ebda dritt fuq operatur ta' sistema ta' trażmissjoni minn Stat Membru li għażel separazzjoni sħiħa tas-sjieda.

(77)

L-implimentazzjoni ta' separazzjoni effettiva jenħtieġ li tirrispetta l-prinċipju li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-istess persuna ma tkunx tista' teżerċita kontroll jew kwalunkwe dritt, bi ksur tar-regoli tas-separazzjoni tas-sjieda jew tal-għażla tal-operatur indipendenti tas-sistema, waħidha jew b'mod konġunt, fuq il-kompożizzjoni, il-votazzjoni jew id-deċiżjonijiet kemm tal-korpi tal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni jew tas-sistemi ta' trażmissjoni kif ukoll tal-korpi tal-produttur jew fornitur. F'dak li għandu x'jaqsam mas-separazzjoni tas-sjieda u mas-soluzzjoni tal-operatur tas-sistema indipendenti, dment li l-Istat Membru rilevanti jista' juri li r-rekwiżiti rilevanti ġew sodisfatti, żewġ korpi pubbliċi separati jenħtieġ li jkunu jistgħu jikkontrollaw, minn naħa waħda, l-attivitajiet ta' ġenerazzjoni u ta' provvista u, min-naħa l-oħra, l-attivitajiet ta' trażmissjoni.

(78)

Is-separazzjoni effettiva sħiħa tal-attivitajiet tan-netwerk minn attivitajiet ta' provvista u ta' ġenerazzjoni jenħtieġ li tapplika fl-Unjoni kollha għall-impriżi tal-Unjoni kif ukoll għal dawk mhux tal-Unjoni. Biex jiġi żgurat li l-attivitajiet tan-netwerk u l-attivitajiet ta' provvista u ta' ġenerazzjoni fl-Unjoni kollha jibqgħu indipendenti minn xulxin, l-awtoritajiet regolatorji jenħtieġ li jkollhom is-setgħa jirrifjutaw li jiċċertifikaw lill-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni li ma jikkonformawx mar-regoli tas-separazzjoni. Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti fl-Unjoni kollha ta' dawk ir-regoli, l-awtoritajiet regolatorji jenħtieġ li jqisu bir-reqqa l-opinjonijiet tal-Kummissjoni meta jieħdu deċiżjonijiet dwar iċ-ċertifikazzjoni. Barra minn hekk, sabiex jiġi żgurat ir-rispett tal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni, u sabiex jiġu żgurati s-solidarjetà u s-sigurtà tal-enerġija fl-Unjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ li jkollha d-dritt li tagħti opinjoni dwar iċ-ċertifikazzjoni fir-rigward ta' propjetarju ta' sistema ta' trażmissjoni jew operatur ta' sistema ta' trażmissjoni li jkun ikkontrollat minn persuna jew persuni minn pajjiż terz jew minn pajjiżi terzi.

(79)

Il-proċeduri ta' awtorizzazzjoni jenħtieġ li ma jwasslux għal piżijiet amministrattivi li jkunu sproporzjonati għad-daqs u għall-impatt potenzjali tal-produtturi tal-elettriku. Il-proċeduri ta' awtorizzazzjoni li jkunu indebitament twal jistgħu jikkostitwixxu ostakolu għall-parteċipanti ġodda fis-suq.

(80)

Jekk is-suq intern għall-elettriku għandu jiffunzjona tajjeb jenħtieġ li l-awtoritajiet regolatorji jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet dwar il-kwistjonijiet regolatorji rilevanti kollha u jenħtieġ li jkunu indipendenti għal kollox minn kwalunkwe interess pubbliku jew privat. Dan ma jipprekludi la reviżjoniġudizzjarja u lanqas is-superviżjoni parlamentari f'konformità mal-liġijiet kostituzzjonali tal-Istati Membri. Barra minn hekk, l-approvazzjoni tal-baġit tal-awtorità regolatorja mil-leġiżlatur nazzjonali ma tikkostitwixxix ostakolu għall-awtonomija baġitarja. Id-dispożizzjonijiet relatati mal-awtonomija fl-implimentazzjoni tal-baġit allokat tal-awtorità regolatorja jenħtieġ li jiġu implimentati fil-qafas definit mil-liġi jew regoli baġitarji nazzjonali. Filwaqt li jikkontribwixxu għall-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji minn kwalunkwe interess politiku jew ekonomiku permezz ta' skema ta' rotazzjoni xierqa, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jqisu b'mod xieraq id-disponibbiltà tar-riżorsi umani u d-daqs tal-bord.

(81)

L-awtoritajiet regolatorji jenħtieġ li jiffissaw jew japprovaw it-tariffi, jew il-metodoloġiji sottostanti għall-kalkolu tat-tariffi, fuq il-bażi ta' proposta mill-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni jew mill-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni, jew fuq il-bażi ta' proposta miftiehma bejn dawk l-operaturi u l-utenti tan-netwerk. Fit-twettiq ta' dawn il-kompiti, l-awtoritajiet regolatorji jenħtieġ li jiżguraw li t-tariffi tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni jkunu mhux diskriminatorji u jkunu jirriflettu tassew in-nefqa, u jenħtieġ li jikkunsidraw l-ispejjeż tan-netwerk fuq terminu twil ta' żmien, marġinali u evitati, liema spejjeż ikunu ġejjin minn miżuri ta' ġenerazzjoni distribwita u ta' ġestjoni fuq in-naħa tad-domanda.

(82)

L-awtoritajiet regolatorji jenħtieġ li jistabbilixxu jew japprovaw tariffi tal-grilja individwali għan-netwerks ta' trażmissjoni u distribuzzjoni jew metodoloġija, jew it-tnejn. Fi kwalunkwe każ, l-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji fl-iffissar tat-tariffi tan-netwerk skont il-punt (b)(ii) tal-Artikolu 57(4) jenħtieġ li tiġi ppreservata.

(83)

L-awtoritajiet regolatorji jenħtieġ li jiżguraw li u l-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni u l-operaturi tas-sistemi ta' distribuzzjoni jieħdu l-miżuri xierqa biex jagħmlu n-netwerk tagħhom aktar reżiljenti u flessibbli. Għal dak il-għan, jenħtieġ li huma jimmonitorjaw il-prestazzjoni ta' dawk l-operaturi abbażi ta' indikaturi bħall-kapaċità tal-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni u l-operaturi tas-sistemi ta' distribuzzjoni u ta' trażmissjoni li joperaw linji taħt klassifikazzjoni dinamika tal-linja, l-iżvilupp ta' monitoraġġ remot u kontroll f'ħin reali tas-substazzjonijiet, it-tnaqqis tat-telf tal-grilja u l-frekwenza u d-durata tal-interruzzjonijiet tal-enerġija.

(84)

Jenħtieġ li l-awtoritajiet regolatorji jkollhom is-setgħa li joħorġu deċiżjonijiet vinkolanti fir-rigward ta' impriżi tal-elettriku u li jimponu penali effettivi, proporzjonati u dissważivi fuq impriżi tal-elettriku li ma jikkonformawx mal-obbligi tagħhom, jew li jipproponu li qorti kompetenti timponi tali penali fuqhom. Għal dak il-għan, l-awtoritajiet regolatorji jenħtieġ li jkunu jistgħu jitolbu l-informazzjoni rilevanti mingħand l-intrapriżi tal-elettriku, li jagħmlu investigazzjonijiet adatti u suffiċjenti, u li jsolvu tilwim. L-awtoritajiet regolatorji jenħtieġ li jingħataw ukoll is-setgħa li jiddeċiedu, irrispettivament mill-applikazzjoni ta' regoli tal-kompetizzjoni, dwar miżuri adatti li jiżguraw benefiċċji lill-klijent permezz tal-promozzjoni tal-kompetizzjoni effettiva meħtieġa għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern għall-elettriku.

(85)

L-awtoritajiet regolatorji jenħtieġ li jikkoordinaw bejniethom meta jwettqu l-kompiti tagħhom biex jiżguraw li n-netwerk Ewropew tal-Operaturi tas-Sistemi ta' Trażmissjoni tal-Elettriku (l-“ENTSO għall-Elettriku”), l-Entità Ewropea tal-Operaturi tas-Sistemi ta' Distribuzzjoni (“l-entità DSO tal-UE”), u ċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali jikkonformaw mal-obbligi tagħhom taħt il-qafas regolatorju tas-suq intern tal-elettriku, u mad-deċiżjonijiet tal-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER), stabbilita mir-Regolament (UE) 2019/942 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9). Bl-espansjoni tar-responsabbiltajiet operattivi tal-ENTSO għall-Elettriku, l-entità DSO tal-UE u ċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali, jeħtieġ li tittejjeb is-superviżjoni fir-rigward ta' entitajiet li joperaw fil-livell tal-Unjoni jew fil-livell reġjonali. L-awtoritajiet regolatorji jenħtieġ li jikkonsultaw lil xulxin u jenħtieġ li jikkoordinaw is-sorveljanza tagħhom biex jidentifikaw b'mod konġunt sitwazzjonijiet fejn l-ENTSO għall-elettriku, l-entità DSO tal-UE jew ċ-ċentri reġjonali ta' koordinazzjoni ma jikkonformawx mal-obbligi rispettivi tagħhom.

(86)

L-awtoritajiet regolatorji jenħtieġ li jingħataw ukoll is-setgħa li jikkontribwixxu għall-iżgurar ta' standards għoljin tal-obbligi ta' servizz universali u pubbliku skont il-ftuħ tas-suq, għall-iżgurar tal-protezzjoni ta' klijenti vulnerabbli, u għall-iżugurar li l-miżuri ta' protezzjoni tal-konsumatur ikunu kompletament effettivi. Dawk id-dispożizzjonijiet jenħtieġ li jkunu mingħajr preġudizzju kemm għas-setgħat tal-Kummissjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni inkluż l-eżami ta' mergers b'dimensjoni tal-Unjoni, kif ukoll għar-regoli dwar is-suq intern, bħar-regoli dwar il-moviment liberu tal-kapital. Il-korp indipendenti li lilu għandha d-dritt tappella parti li tintlaqat minn deċiżjoni ta' awtorità regolatorja, jista' jkun qorti jew tribunal ieħor li jkollhom is-setgħa jwettqu reviżjoni ġudizzjarja.

(87)

Din id-Direttiva u d-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) ma jċaħdux lill-Istati Membri il-possibbiltà li jistabbilixxu u joħorġu l-politika nazzjonali tagħhom dwar l-enerġija. Dan ifisser li, skont l-arranġamenti kostituzzjonali ta' Stat Membru, jista' jkun fi ħdan il-kompetenza tal-Istat Membru li jiddetermina l-qafas ta' politika li fih iridu joperaw l-awtoritajiet regolatorji, pereżempju dwar is-sigurtà tal-provvista. Madankollu, il-linji gwida ġenerali dwar il-politika tal-enerġija maħruġa mill-Istat Membru jenħtieġ li ma jolqtux l-indipendenza jew l-awtonomija tal-awtoritajiet regolatorji.

(88)

Ir-Regolament (UE) 2019/943 jipprovdi li l-Kummissjoni tista' tadotta linji gwida jew kodiċijiet tan-netwerk biex tikseb il-grad ta' armonizzazzjoni meħtieġ. Tali linji gwida u kodiċijiet tan-netwerk jikkostitwixxu miżuri ta' implimentazzjoni vinkolanti u, fir-rigward ta' ċerti dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva, huma għodda siewja li tista' tiġi adattata malajr fejn meħtieġ.

(89)

L-Istati Membri u l-Partijiet Kontraenti għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija (11) jenħtieġ li jikkooperaw mill-viċin fl-oqsma kollha li jikkonċernaw l-iżvilupp ta' reġjun ta' kummerċ fl-elettriku integrat u jenħtieġ li ma jieħdu l-ebda miżura li tipperikola l-integrazzjoni ulterjuri tas-swieq tal-elettriku jew tas-sigurtà tal-provvista tal-Istati Membri u tal-Partijiet Kontraenti.

(90)

Din id-Direttiva jenħtieġ li tinqara flimkien mar-Regolament (UE) 2019/943, li jistipula l-prinċipji ewlenin ta' disinn ġdid tas-suq tal-elettriku li jippermetti riżultati aħjar għal-flessibilità, jipprovdi sinjali adegwati ta' prezzar u jiżgura l-iżvilupp ta' swieq għal perjodu qasir li jiffunzjonaw. Ir-Regolament (UE) 2019/943 jistipula wkoll regoli ġodda f'oqsma varji, inklużi dwar il-mekkaniżmi ta' kapaċità u kooperazzjoni bejn operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni.

(91)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta. Għaldaqstant, dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġi interpretat u applikat f'konformità ma' dawk id-drittijiet u l-prinċipji, b'mod partikolari d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali ggarantit mill-Artikolu 8 tal-Karta. Huwa essenzjali li kwalunkwe pproċessar ta' data personali taħt din id-Direttiva jikkonforma mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12).

(92)

Sabiex jiġi pprovdut livell minimu ta' armonizzazzjoni meħtieġ biex jinkiseb l-għan ta' din id-Direttiva, is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti skont l-Artikolu 290 tat-TFUE jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni sabiex din tistabbilixxi regoli dwar il-firxa tad-dmirijiet tal-awtoritajiet regolatorji ħalli jikkooperaw ma' xulxin u mal-ACER u tistabbilixxi d-dettalji tal-proċedura għall-konformità mal-kodiċi tan-netwerk u l-linji gwida. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol ta' tħejjija, inkluż fil-livell tal-esperti u li dawk il-konsultazzjonijiet isiru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (13). B'mod partikolari, sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin bħall-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom għandhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.

(93)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, jenħtieġ li jiġu konferiti setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni sabiex tiddetermina rekwiżiti tal-interoperabilità u proċeduri nondiskriminatorji u trasparenti għall-aċċess għal data dwar il-kejl tal-enerġija, data dwar il-konsum kif ukoll data meħtieġa biex il-klijenti jibdlu fornitur, rispons tad-domanda u servizzi oħra. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14).

(94)

Fejn tkun tapplika deroga skont l-Artikolu 66(3), (4) jew (5), dik id-deroga jenħtieġ li tkopri wkoll kwalunkwe dispożizzjoni f'din id-Direttiva li hija anċillari għal, jew li teħtieġ l-applikazzjoni minn qabel ta', kwalunkwe waħda mid-dispożizzjonijiet li minnhom tkun ingħatat deroga.

(95)

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2012/27/UE relatati mas-swieq tal-elettriku, bħad-dispożizzjonijiet dwar kejl u ħlas tal-elettriku, rispons tad-domanda, rilaxx prijoritarju u aċċess għall-grilja għall-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, huma aġġornati mid-dispożizzjonijiet stabbiliti f'din id-Direttiva u fir-Regolament (UE) 2019/943. Jenħtieġ għalhekk li d-Direttiva 2012/27/UE tiġi emendata kif meħtieġ.

(96)

Minħabba li l-għan ta' din id-Direttiva, jiġifieri l-ħolqien ta' suq intern għall-elettriku totalment operattiv, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda pjuttost jista', minħabba l-iskala u l-effetti tagħha, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak il-għan.

(97)

B'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni (15), l-Istati Membri assumew l-obbligu li jakkumpanjaw, f'każijiet ġustifikati, in-notifika tal-miżuri tat-traspożizzjoni tagħhom b'dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta' Direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti tat-traspożizzjoni nazzjonali. Rigward din id-Direttiva, il-leġiżlatur jidhirlu li t-trażmissjoni ta' dawn id-dokumenti hija ġustifikata.

(98)

L-obbligu tat-traspożizzjoni ta' din id-Direttiva fil-liġi nazzjonali jenħtieġ li jkun limitat għal dawk id-dispożizzjonijiet li jirrappreżentaw emenda sostantiva meta mqabbla mad-Direttiva 2009/72/KE. L-obbligu li d-dispożizzjonijiet li ma nbidlux jiġu trasposti ġej mid-Direttiva 2009/72/KE.

(99)

Din id-Direttiva jenħtieġ li tkun bla preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri relatati mal-limiti ta' żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u d-data tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/72/KE stabbiliti fl-Anness III,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

SUĠĠETT U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli komuni għall-ġenerazzjoni, it-trażmissjoni, id-distribuzzjoni, il-ħżin tal-enerġija u l-provvista tal-elettriku, flimkien mad-dispożizzjonijiet għall-ħarsien tal-konsumatur, bil-għan li jinħolqu swieq tal-enerġija li jkunu tabilħaqq integrati, kompetittivi, iffokati fuq il-konsumaturi, flessibbli, ġusti u trasparenti fl-Unjoni.

Permezz tal-vantaġġi ta' suq integrat, din id-Direttiva timmira li tiżgura prezzijiet tal-enerġija u spejjeż għall-konsumaturi li huma raġonevoli u trasparenti, livell għoli ta' sigurtà tal-provvista u tranżizzjoni mingħajr xkiel lejn sistema tal-enerġija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju. Din tistabbilixxi regoli ewlenin li jikkonċernaw l-organizzazzjoni u t-tħaddim tas-settur tal-elettriku tal-Unjoni, b'mod partikolari regoli dwar l-emanċipazzjoni u l-protezzjoni tal-konsumatur, dwar l-aċċess miftuħ għas-suq integrat, dwar l-aċċess tal-partijiet terzi għall-infrastruttura tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni, rekwiżiti dwar is-separazzjoni u regoli dwar l-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji fl-Istati Membri.

Din id-Direttiva tistabbilixxi wkoll mezzi għall-Istati Membri, l-awtoritajiet regolatorji u l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni sabiex jikkooperaw lejn il-ħolqien ta' suq intern interkonness bis-sħiħ għall-elettriku li jżid l-integrazzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli, kompetizzjoni libera u sigurtà tal-provvista.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“klijent” tfisser klijent bl-ingrossa jew klijent finali tal-elettriku;

(2)

“klijent bl-ingrossa” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tixtri l-elettriku bil-għan li terġa' tbiegħu ġewwa jew barra mis-sistema fejn dik il-persuna tkun stabbilita;

(3)

“klijent finali” tfisser klijent li jixtri l-elettriku għall-użu personali;

(4)

“klijent domestiku” tfisser klijent li jixtri l-elettriku għall-konsum tal-klijent stess fid-dar, esklużi attivitajiet kummerċjali jew professjonali;

(5)

“klijent mhux domestiku” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tixtri l-elettriku li ma jkunx għall-użu domestiku tagħha stess, inklużi produtturi, klijenti industrijali, intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, negozji u klijenti bl-ingrossa;

(6)

“mikrointrapriża” tfisser intrapriża li timpjega inqas minn 10 persuni u li t-total tal-fatturat annwali u/jew tal-karta tal-bilanċ tagħha ma jaqbiżx EUR 2 miljun;

(7)

“intrapriża żgħira” tfisser intrapriża li timpjega inqas minn 50 persuna u li t-total tal-fatturat annwali u/jew tal-karta tal-bilanċ tagħha ma jaqbiżx EUR 10 miljun;

(8)

“klijent attiv” tfisser klijent finali, jew grupp ta' klijenti finali li jaġixxu flimkien, li jikkunsma jew jaħżen jew ibiegħ elettriku li jiġġenera fuq il-proprjetà tiegħu li tkun tinsab fi ħdan konfini limitati jew fejn permessi minn Stat Membru, fuq proprjetajiet oħra, jew li jbiegħ l-elettriku li jiġġenera huwa stess jew jieħu sehem fi skemi ta' flessibbiltà jew tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, bil-kondizzjoni li dawk l-attivitajiet ma jkunux jikkostitwixxu l-attività kummerċjali jew professjonali primarja tiegħu;

(9)

“swieq tal-elettriku” tfisser swieq tal-elettriku inklużi swieq b'bejgħ dirett (“over-the-counter”) u l-iskambji tal-enerġija elettrika, swieq għall-kummerċ ta' enerġija, ta' kapaċità kif ukoll servizzi ta' bbilanċjar u servizzi anċillari f'kull perijodu ta' żmien, inklużi s-swieq bil-quddiem, bil-ġurnata 'l quddiem u dawk fl-istess ġurnata;

(10)

“parteċipant tas-suq” tfisser parteċipant tas-suq kif definit fil-punt 25 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/943;

(11)

“komunità tal-enerġija taċ-ċittadin” tfisser entità legali li:

(a)

hija bbażata fuq parteċipazzjoni volontarja u miftuħa u li hija effetivament ikkontrollata minn membri jew azzjonisti li huma persuni fiżiċi, awtoritajiet lokali, inklużi muniċipalitajiet, jew intrapriżi żgħar,

(b)

għandha bħala skop primarju tagħha li tipprovdi benefiċċji komunitarji ambjentali, ekonomiċi jew soċjali lill-membri jew azzjonisti tagħha jew liż-żoni lokali fejn topera pjuttost milli tiġġenera profitti finanzjarji, u

(c)

tista' tkun involuta fil-ġenerazzjoni, inkluża dik minn sorsi rinnovabbli, fid-distribuzzjoni, fil-provvista, fil-konsum, fl-aggregazzjoni, fil-ħżin tal-enerġija, fis-servizzi ta' effiċjenza fl-użu tal-enerġija, fis-servizzi ta' ċċarġjar għall-vetturi elettriċi jew tipprovdi servizzi oħra tal-enerġija lill-membri jew lill-azzjonisti tagħha;

(12)

“provvista” tfisser il-bejgħ, inkluż il-bejgħ mill-ġdid, ta' elettriku lill-klijenti;

(13)

“kuntratt għall-provvista tal-elettriku” tfisser kuntratt għall-provvista ta' elettriku, iżda ma tinkludix derivattivi tal-elettriku;

(14)

“derivattiva tal-elettriku” tfisser strument finanzjarju speċifikat fil-punt 5, 6, jew 7 fit-Taqsima C tal-Anness I tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16), fejn dak l-istrument jirrelata mal-elettriku;

(15)

“kuntratt dwar prezz dinamiku tal-elettriku” tfisser kuntratt għall-provvista tal-elettriku bejn fornitur u klijent finali li jirrifletti l-varjazzjoni fil-prezz fis-swieq spot, inkluż fis-swieq tal-ġurnata bil-quddiem u dawk fl-istess ġurnata, f'intervalli li tal-anqas ikunu ugwali għall-frekwenza ta' tpaċija tas-suq;

(16)

“tariffa għat-tmiem tal-kuntratt” tfisser imposta jew penali li l-fornituri jew il-parteċipanti fis-suq involuti fl-aggregazzjoni jimponu fuq il-klijenti talli jitterminaw kuntratt għall-provvista tal-elettriku jew kuntratt dwar servizz;

(17)

“tariffa marbuta mal-bdil” tfisser imposta jew penali għall-bdil tal-fornituri jew tal-parteċipanti fis-suq involuti fl-aggregazzjoni, inklużi tariffi għat-terminazzjoni tal-kuntratt, li hija imposta direttament jew indirettament fuq il-klijenti mill-fornituri,mill-parteċipanti fis-suq involuti fl-aggregazzjoni jew mill-operaturi tas-sistema;

(18)

“aggregazzjoni” tfisser funzjoni mwettqa minn persuna fiżika jew ġuridika li tgħaqqad flimkien tagħbijiet multipli ta' klijenti jew l-elettriku ġġenerat minn diversi klijenti għall-bejgħ, ix-xiri jew il-bejgħ bl-irkant fi kwalunkwe suq tal-elettriku;

(19)

“aggregatur indipendenti” tfisser parteċipant fis-suq impenjat fl-aggregazzjoni li mhuwiex affiljat mal-fornitur tal-klijent;

(20)

“rispons tad-domanda” tfisser il-bidla fit-tagħbija tal-elettriku mill-klijenti finali mix-xejriet ta' konsum normali jew attwali tagħhom b'rispons għas-sinjali tas-suq, inkluż b'rispons għall-prezzijiet tal-elettriku varjabbli skont il-ħin jew ħlasijiet ta' inċentiv, jew b'rispons għall-aċċettazzjoni tal-offerta tal-klijent finali li jbigħ it-tnaqqis jew iż-żieda tad-domanda bi prezz f'suq organizzat kif definit fil-punt (4) tal-Artikolu 2 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1348/2014 (17) sew jekk waħidhom jew permezz tal-aggregazzjoni;

(21)

“informazzjoni dwar il-kontijiet” tfisser l-informazzjoni pprovduta f'kont finali tal-klijenti finali, minbarra talba għall-ħlas;

(22)

“miter konvenzjonali” tfisser miter analogu jew elettroniku li ma għandu la l-kapaċità li jittrażmetti u lanqas li jirċievi d-data;

(23)

“sistema ta' kejl intelliġenti” tfisser sistema elettronika li hija kapaċi li tkejjel l-elettriku li jingħata fil-grilja jew l-elettriku kkonsmat mill-grilja, li tipprovdi aktar informazzjoni minn miter konvenzjonali, u li hija kapaċi tittrasmetti u tirċievi data għall-finijiet ta' informazzjoni, monitoraġġ u kontroll, permezz ta' xi forma ta' komunikazzjoni elettronika;

(24)

“interoperabbiltà” tfisser, fil-kuntest tal-kejl intelliġenti, il-kapaċità li żewġ netwerks, sistemi, apparati, applikazzjonijiet jew komponenti tal-enerġija jew tal-komunikazzjoni, jew aktar, li jiskambjaw u jużaw informazzjoni sabiex iwettqu funzjonijiet meħtieġa;

(25)

“perjodu ta' saldu tal-iżbilanċ” tfisser perjodu ta' saldu tal-iżbilanċ kif definit fil-punt (15) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/943;

(26)

“kważi f'ħin reali” tfisser, fil-kuntest tal-kejl intelliġenti, perijodu ta' żmien qasir, is-soltu f'termini ta' sekondi jew sal-perjodu ta' saldu tal-iżbilanċ fis-suq nazzjonali;

(27)

“l-aqwa tekniki disponibbli” tfisser, fil-kuntest tal-protezzjoni tad-data u tas-sigurtà f'ambjent ta' kejl intelliġenti, it-tekniki l-aktar effettivi, avvanzati u prattikament adatti biex tiġi pprovduta, fil-prinċipju, il-bażi għall-konformità mar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data u s-sigurtà;

(28)

“distribuzzjoni” tfisser it-trasport tal-elettriku fuq sistemi ta' distribuzzjoni ta' vultaġġ għoli, vultaġġ medju u vultaġġ baxx bil-ħsieb li dan jitwassal lill-klijenti, iżda mhux inkluża l-provvista;

(29)

“operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tkun responsabbli li tħaddem, li tiżgura l-manutenzjoni ta', u jekk ikun meħtieġ li tiżviluppa, is-sistema ta' distribuzzjoni f'żona partikolari u, fejn applikabbli, l-interkonnessjonijiet tagħha ma' sistemi oħra, kif ukoll li tiżgura l-kapaċità fit-tul tas-sistema li tlaħħaq ma' domandi raġonevoli għad-distribuzzjoni tal-elettriku;

(30)

“effiċjenza fl-użu tal-enerġija” tfisser il-proporzjon tal-'output' tal-prestazzjoni, servizz, prodotti jew enerġija, għall-'input' tal-enerġija;

(31)

“enerġija minn sorsi rinnovabbli” jew “enerġija rinnovabbli” tfisser enerġija minn sorsi rinnovabbli mhux fossili, jiġifieri enerġija mir-riħ, solari (solari termiċi u solari fotovoltajċi) u enerġija ġeotermika, enerġija ambjentali, marea, mewġ u enerġija oħra oċeanika, idroenerġija, bijomassa, gass minn landfill, gass minn impjanti għat-trattament tad-drenaġġ, u bijogass;

(32)

“ġenerazzjoni distribwita” tfisser installazzjonijiet ta' ġenerazzjoni konnessi mas-sistema tad-distribuzzjoni;

(33)

“punt tal-iċċarġjar” tfisser interfaċċa li kapaċi tiċċarġja vettura elettrika waħda f'darba partikolari jew tissostitwixxi l-batterija ta' vettura elettrika waħda f'darba partikolari;

(34)

“trażmissjoni” tfisser it-trasport tal-elettriku fuq is-sistema ta' vultaġġ għoli ħafna u s-sistema interkonnessa ta' vultaġġ għoli bil-ħsieb li dan jitwassal lill-klijenti finali jew lid-distributuri, iżda ma jinkludix il-provvista;

(35)

“operatur ta' sistema tat-trażmissjoni” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li hija responsabbli li tħaddem, li tiżgura l-manutenzjoni ta', u jekk ikun meħtieġ li tiżviluppa, is-sistema tat-trażmissjoni f'żona partikolari u, meta jkun applikabbli, l-interkonnessjonijiet tagħha ma' sistemi oħra, kif ukoll li tiżgura l-kapaċità fit-tul tas-sistema biex tlaħħaq ma' domandi raġonevoli għat-trażmissjoni tal-elettriku;

(36)

“utent tas-sistema” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tforni lil, jew li tkun fornuta minn, sistema tat-trażmissjoni jew sistema ta' distribuzzjoni;

(37)

“ġenerazzjoni” tfisser il-produzzjoni tal-elettriku;

(38)

“produttur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tiġġenera l-elettriku;

(39)

“interkonnettur” tfisser it-tagħmir użat biex jorbot b'konnessjoni s-sistemi tal-elettriku;

(40)

“sistema interkonnessa” tfisser numru ta' sistemi ta' trażmissjoni u sistemi ta' distribuzzjoni konnessi flimkien permezz ta' interkonnettur wieħed jew aktar;

(41)

“linja diretta” tfisser jew linja tal-elettriku li torbot b'konnessjoni ta' sit iżolat ta' ġenerazzjoni ma' klijent iżolat jew linja tal-elettriku li torbot b'konnessjoni produttur u impriża ta' forniment tal-elettriku biex dawn ifornu direttament lill-bini tagħhom stess, lil sussidjarji tagħhom u lil klijenti;

(42)

“sistema iżolata żgħira” tfisser kwalunkwe sistema li kellha konsum ta' inqas minn 3 000 GWh fis-sena 1996, fejn inqas minn 5 % tal-konsum annwali jinkiseb permezz ta' interkonnessjoni ma' sistemi oħra;

(43)

“sistema konnessa żgħira” tfisser kwalunkwe sistema li kellha konsum ta' anqas minn 3 000 GWh fis-sena 1996, fejn aktar minn 5 % tal-konsum annwali jinkiseb permezz ta' interkonnessjoni ma' sistemi oħra;

(44)

“konġestjoni” tfisser konġestjoni kif definita fil-punt (4) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/943;

(45)

“ibbilanċjar” tfisser ibbilanċjar kif definit fil-punt (10) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/943;

(46)

“enerġija ta' bbilanċjar” tfisser enerġija ta' bbilanċjar kif definita fil-punt (11) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/943;

(47)

“parti inkarigata mill-ibbilanċjar” tfisser parti inkarigata mill-ibbilanċjar kif definita fil-punt (14) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/943;

(48)

“servizz anċillari” tfisser servizz meħtieġ għat-tħaddim ta' sistema tat-trażmissjoni jew tad-distribuzzjoni inklużi servizzi anċillari ta' bilanċjar u mhux tal-frekwenza, iżda li ma jinkludux l-immaniġġjar tal-konġestjoni;

(49)

“servizz anċillari mhux tal-frekwenza” tfisser servizz użat minn operatur ta' sistema tat-trażmissjoni jew tad-distribuzzjoni għall-kontroll tal-vultaġġ f'qagħda statika, injezzjonijiet ta' kurrenti reattivi mgħaġġla, inerzja għall-istabbiltà tal-grilja lokali, kurrent ta' ċirkwit kort, kapaċità ta' startjar minn mitfi totali u kapaċità ta' operat ta' netwerk iżolat;

(50)

“ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali” tfisser ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali stabbilit skont l-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2019/943;

(51)

“komponenti tan-netwerk integrati b'mod sħiħ” tfisser komponenti tan-netwerk li huma integrati fis-sistemi ta' trażmissjoni jew distribuzzjoni, inklużi faċilitajiet ta' ħżin, u l-iskop waħdieni tal-użu tagħhom huwa li tiġi żgurata l-operazzjoni sikura u affidabbli tas-sistema ta' trażmissjoni jew distribuzzjoni, u mhux għall-ibbilanċjar jew għall-ġestjoni tal-konġestjoni;

(52)

“impriża tal-elettriku integrata” tfisser impriża integrata vertikalment jew impriża integrata orizzontalment;

(53)

“impriża integrata vertikalment” tfisser impriża tal-elettriku jew grupp ta' impriżi tal-elettriku fejn l-istess persuna jew l-istess persuni huma intitolati, direttament jew indirettament, li jeżerċitaw kontroll, u fejn l-impriża jew il-grupp ta' impriżi jwettqu mill-inqas waħda mill-funzjonijiet ta' trażmissjoni jew distribuzzjoni, u mill-inqas waħda mill-funzjonijiet ta' ġenerazzjoni jew provvista;

(54)

“impriża integrata orizzontalment” tfisser impriża tal-elettriku li twettaq għall-inqas waħda mill-funzjonijiet ta' ġenerazzjoni għall-bejgħ, jew it-trażmissjoni, jew id-distribuzzjoni, jew il-provvista, u attività oħra li ma tinvolvix l-elettriku;

(55)

“impriża relatata” tfisser impriża affiljata kif definita fil-punt 12 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18), u impriżi tal-istess azzjonisti;

(56)

“kontroll” tfisser drittijiet, kuntratti jew mezzi oħra li, jew separatament jew flimkien u filwaqt li jitqiesu kunsiderazzjonijiet ta' fatt u ta' dritt involuti, jagħtu l-possibbiltà li tiġi eżerċitata influwenza deċiżiva fuq impriża, b'mod partikolari permezz ta':

(a)

id-dritt tas-sjieda jew id-dritt li jintużaw l-assi kollha ta' impriża, jew parti minnhom;

(b)

drittijiet jew kuntratti li jikkonferixxu influwenza deċiżiva fuq il-kompożizzjoni, il-votazzjoni jew id-deċiżjonijiet tal-organi ta' impriża;

(57)

“impriża tal-elettriku” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li twettaq mill-inqas waħda mill-funzjonijiet li ġejjin: ġenerazzjoni, trażmissjoni, distribuzzjoni, aggregazzjoni, rispons tad-domanda, ħżin tal-enerġija, provvista jew xiri tal-elettriku, u li tkun responsabbli għall-kompiti kummerċjali, tekniċi jew tal-manutenzjoni relatati ma' dawk il-funzjonijiet, iżda li ma tinkludix klijenti finali;

(58)

“sigurtà” tfisser kemm is-sigurtà tal-provvista u l-forniment tal-elettriku, kif ukoll is-sikurezza teknika;

(59)

“ħżin tal-enerġija” tfisser, fis-sistema tal-elettriku, il-posponiment tal-użu finali tal-elettriku għal mument aktar tard minn meta kien iġġenerat, jew il-konverżjoni tal-enerġija elettrika f'forma ta' enerġija li tista' tiġi maħżuna, il-ħżin ta' tali enerġija u l-użu sussegwenti ta' tali enerġija jew ir-rikonverżjoni sussegwenti ta' tali enerġija f'enerġija elettrika jew f'użu bħala trasportatur ieħor tal-enerġija.

(60)

“faċilità tal-ħżin tal-enerġija” tfisser, fis-sistema tal-elettriku, faċilità fejn iseħħ il-ħżin tal-enerġija.

KAPITOLU II

REGOLI ĠENERALI GĦALL-ORGANIZZAZZJONI TAS-SETTUR TAL-ELETTRIKU

Artikolu 3

Swieq tal-elettriku kompetittivi, iffokati fuq il-konsumatur, flessibbli u mhux diskriminatorji

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-liġi nazzjonali tagħhom ma tfixkilx bla bżonn il-kummerċ transkonfinali fl-elettriku, il-parteċipazzjoni tal-konsumaturi, inkluża dik permezz tar-rispons tad-domanda, investimenti b'mod partikolari fil-ġenerazzjoni varjabbli u flessibbli tal-enerġija, il-ħżin tal-enerġija, jew l-introduzzjoni tal-elettromobbiltà jew interkonnetturi ġodda bejn l-Istati Membri, u għandhom jiżguraw li l-prezzijiet tal-elettriku jirriflettu d-domanda u l-provvista attwali.

2.   Meta jiġu żviluppati interkonnetturi ġodda, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-miri tal-interkonnessjoni tal-elettriku stabbiliti fil-punt (1) tal-Artikolu 4(d) tar-Regolament (UE) 2018/1999.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jeżisti l-ebda ostaklu bla bżonn fis-suq intern għall-elettriku fir-rigward tad-dħul fis-suq, it-tħaddim u l-ħruġ, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi li l-Istati Membri jżommu relattivament għal pajjiżi terzi.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw kondizzjonijiet ekwi fejn l-impriżi tal-elettriku huma soġġetti għal regoli, imposti u trattament trasparenti, proporzjonati u nondiskriminatorji, b'mod partikolari fir-rigward tal-ibbilanċjar tar-responsabbiltà, l-aċċess għal swieq bl-ingrossa, l-aċċess għad-data, il-proċessi tal-bdil u l-iskemi tal-kontijiet u, fejn applikabbli, l-għoti ta' liċenzji.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-parteċipanti tas-suq minn pajjiżi terzi, meta joperaw fis-suq intern għall-elettriku, jikkonformaw mal-liġi applikabbli tal-Unjoni u nazzjonali, inkluża dik dwar il-politika ambjentali u ta' sikurezza.

Artikolu 4

Għażla ħielsa tal-fornitur

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti kollha jkunu ħielsa li jixtru l-elettriku mill-fornitur li jagħżlu huma u għandhom jiżguraw li l-klijenti kollha jkunu ħielsa li jkollhom aktar minn kuntratt wieħed tal-provvista tal-elettriku fl-istess ħin, dment li l-konnessjoni meħtieġa u l-punti ta' kejl meħtieġa jkunu stabbiliti.

Artikolu 5

Prezzijiet tal-provvista bbażati fis-suq

1.   Il-fornituri għandhom ikunu ħielsa li jiddeterminaw il-prezz li bih jipprovdu l-elettriku lill-klijenti. L-Istati Membri għandhom jieħdu azzjonijiet xierqa biex jiżguraw il-kompetizzjoni effettiva bejn il-fornituri.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-protezzjoni tal-klijenti domestiċi foqra u vulnerabbli f'termini ta' enerġija f'konformità mal-Artikoli 28 u 29 permezz tal-politika soċjali jew b'mezzi oħra li ma jkunux interventi pubbliċi fl-iffissar tal-prezzijiet għall-provvista tal-elettriku.

3.   B'deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri jistgħu japplikaw interventi pubbliċi fl-iffissar tal-prezzijiet għall-provvista tal-elettriku lil klijenti domestiċi foqra jew vulnerabbli f'termini ta' enerġija. Tali interventi pubbliċi għandhom ikunu soġġetti għall-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 4 u 5.

4.   Interventi pubbliċi fl-iffissar tal-prezzijiet għall-provvista tal-elettriku għandhom:

(a)

ikunu mmirati lejn interess ekonomiku ġenerali u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jiksbu dak l-interess ekonomiku ġenerali;

(b)

ikunu definiti b'mod ċar, trasparenti, nondiskriminatorji u verifikabbli;

(c)

jiggarantixxu aċċess ugwali lill-impriżi tal-elettriku tal-Unjoni għall-klijenti;

(d)

għandhom ikunu limitati fiż-żmien u jkunu proporzjonati fir-rigward tal-benefiċjarji tagħhom;

(e)

m'għandhomx jirriżultaw fi spejjeż addizzjonali għall-parteċipanti fis-suq b'mod diskriminatorju.

5.   Kwalunkwe Stat Membru li japplika interventi pubbliċi fl-iffissar tal-prezzijiet għall-provvista tal-elettriku skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu għandu jikkonforma wkoll mal-punt (d) tal-Artikolu 3(3) u mal-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2018/1999, irrispettivament minn jekk l-Istat Membru kkonċernat għandux għadd sinifikanti ta' unitajiet domestiċi f'faqar enerġetiku.

6.   Għall-fini ta' perjodu ta' tranżizzjoni biex tiġi stabbilita kompetizzjoni effettiva għal kuntratti ta' provvista tal-elettriku bejn fornituri, u biex jinkiseb ipprezzar li huwa totalment effettiv abbażi tas-suq tal-elettriku bbażat fuq is-suq tal-elettriku skont il-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu japplikaw interventi pubbliċi fl-iffissar tal-prezzijiet għall-provvista tal-elettriku lill-klijenti domestiċiu għal mikrointrapriżi li ma jibbenefikawx minn interventi pubbliċi skont il-paragrafu 3.

7.   L-interventi pubbliċi skont il-paragrafu 6 għandhom jikkonformaw mal-kriterji stipulati fil-paragrafu 4 u għandhom:

(a)

ikunu akkumpanjati minn sett ta' miżuri biex tinkiseb kompetizzjoni effettiva u metodoloġija għall-valutazzjoni tal-progress fir-rigward ta' dawk il-miżuri;

(b)

jiġu stabbiliti bl-użu ta' metodoloġija li tiżgura trattament mhux diskriminatorju tal-fornituri;

(c)

jiġu stabbiliti għal prezz li jkun aktar mill-ispiża, f'livell fejn tista' sseħħ kompetizzjoni effettiva tal-prezzijiet;

(d)

ikunu mfassla b'tali mod li jimminimizzaw kull impatt negattiv fuq is-suq bl-ingrossa tal-elettriku;

(e)

għandhom jiżguraw li l-benefiċjarji kollha ta' dawn l-interventi pubbliċi jkollhom il-possibilità li jagħżlu l-offerti kompetittivi tas-suq u huma direttament infurmati minn tal-inqas kull tliet xhur dwar id-disponibbiltà ta' offerti u l-iffrankar fis-suq kompetittiv, b'mod partikolari il-kuntratti dinamiċi tal-prezz tal-elettriku, u għandhom jiżguraw li dawn jiġu pprovduti b'assistenza biex jaqilbu għal offerta abbażi tas-suq;

(f)

għandhom jiżguraw li, skont l-Artikoli 19 u 21, il-benefiċċjarji kollha ta' dawn l-interventi pubbliċi jkunu intitolati għal kejl intelliġenti u li jiġu offruti li jkollhom dawn u li l-kejl intelliġenti jiġu installati mingħajr spejjeż inizjali miżjuda għal klijent, huma direttament infurmati dwar il-possibbiltà li jinstallaw kejl intelliġenti u jingħataw l-assistenza meħtieġa.

(g)

m'għandhomx iwasslu għal inter-sussidjarjetà diretta bejn klijenti fornuti bi prezzijiet tas-suq ħieles u dawk fornuti bi prezzijiet ta' provvista regolata.

8.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda skont il-paragrafi 3 u 6 fi żmien xahar wara l-adozzjoni tagħhom, u jistgħu japplikawhom immedjatament. In-notifika għandha tkun akkumpanjata minn spjegazzjoni dwar għaliex strumenti oħra ma kinux suffiċjenti sabiex jiksbu l-objettiv mixtieq, dwar kif jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 4 u 7, u dwar x'inhuma l-effetti tal-miżuri notifikati fuq il-kompetizzjoni. In-notifika għandha tiddeskrivi l-kamp ta' applikazzjoni tal-benefiċjarji, it-tul ta' żmien tal-miżuri u n-numru ta' klijenti domestiċi affettwati mill-miżuri, u għandha tispjega kif ġew iddeterminati l-prezzijiet regolati.

9.   Sal-1 ta' Jannar 2022 u l-1 ta' Jannar 2025, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw rapporti lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu, in-neċessità u l-proporzjonalità tal-interventi pubbliċi taħt dan l-Artikolu u valutazzjoni tal-progress lejn il-kisba ta' kompetizzjoni effettiva bejn il-fornituri u t-tranżizzjoni għal prezzijiet ibbażati fuq is-suq. L-Istati Membri li japplikaw prezzijiet regolati skont il-paragrafu 6 għandhom jirrapportaw dwar il-konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 7, inkluża dwar il-konformità mill-fornituri li huma meħtieġa biex japplikaw tali interventi, kif ukoll dwar l-impatt tal-prezzijiet regolati fuq il-finanzi ta' dawk il-fornituri.

10.   Sal-31 ta' Diċembru 2025, il-Kummissjoni għandha tirrevedi u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu bil-għan li jinkiseb ipprezzar bl-imnut ibbażat fuq is-suq tal-elettriku, flimkien ma' proposta leġiżlattiva jew segwita minnha, jekk ikun xieraq. Dik il-proposta leġiżlattiva tista' tinkludi data ta' tmiem għall-prezzijiet regolati.

Artikolu 6

Aċċess għal parti terza

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni ta' sistema ta' aċċess għal partijiet terzi għas-sistemi ta' trażmissjoni u ta' distribuzzjoni bbażata fuq tariffi ppubblikati, applikabbli għall-klijenti kollha u applikati b'mod oġġettiv u mingħajr diskriminazzjoni bejn l-utenti tas-sistema. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk it-tariffi, jew il-metodoloġiji li jkunu sottostanti l-kalkoli tagħhom, ikunu approvati konformement mal-Artikolu 59 qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom u li dawk it-tariffi, u l-metodoloġiji – meta l-metodoloġiji jkunu approvati – jiġu ppubblikati qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom.

2.   L-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni jew ta' distribuzzjoni jista' jirrifjuta l-aċċess fil-każ li ma jkollux il-kapaċità neċessarja. Għal rifjut bħal dan għandhom jingħataw raġunijiet sostanzjati, partikolarment meta jitqies l-Artikolu 9, u bbażati fuq kriterji oġġettivi u ġustifikabbli teknikament u ekonomikament. L-Istati Membri, jew meta l-Istati Membri jkunu għamlu dispożizzjonijiet għal din, l-awtoritajiet regolatorji ta' dawk l-Istati Membri, għandhom jiżguraw li dawk il-kriterji jkunu konsistentement applikati u li l-utent tas-sistema li jkun ġie rifjutat l-aċċess tiegħu jkun jista' jagħmel użu minn proċedura ta' riżoluzzjoni ta' tilwim. L-awtoritajiet regolatorji għandhom ukoll jiżguraw, meta jkun xieraq u meta jseħħ rifjut ta' aċċess, li l-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni jew l-operatur tas-sistema ta' distribuzzjoni jipprovdi l-informazzjoni rilevanti dwar miżuri li jkunu meħtieġa għall-infurzar tan-netwerk. Din l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta fil-każijiet kollha meta l-aċċess għall-punti ta' ċċarġjar tkun ġiet miċħuda. Il-parti li tagħmel talba għal tali informazzjoni jista' jkollha tħallas miżata raġonevoli li tkun tirrifletti n-nefqa biex tkun provduta tali informazzjoni.

3.   Dan l-Artikolu għandu japplika ukoll għal komunitajiet tal-enerġija taċ-ċittadin li jiġġestixxu netwerks ta' distribuzzjoni.

Artikolu 7

Linji diretti

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex:

(a)

il-produtturi u l-impriżi fornituri tal-elettriku kollha stabbiliti fit-territorju tagħhom ikunu jistgħu jipprovdu l-elettriku lill-bini tagħhom stess, lis-sussidjarji tagħhom u lil klijenti permezz ta' linja diretta mingħajr ma jkunu soġġetti għal proċeduri jew spejjeż amministrattivi sproporzjonati;

(b)

il-klijenti kollha fit-territorju tagħhom, b'mod individwali jew konġunt, ikunu jistgħu jiġu fornuti permezz ta' linja diretta minn produtturi u impriżi fornituri tal-elettriku.

2.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kriterji għall-għoti ta' awtorizzazzjonijiet għall-bini ta' linji diretti fit-territorju tagħhom. Dawk il-kriterji għandhom ikunu oġġettivi u mhux diskriminatorji.

3.   Il-possibbiltà li l-elettriku jkun provdut permezz ta' linja diretta kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ma għandhiex taffettwa l-possibbiltà li l-elettriku jkun mogħti b'kuntratt f'konformità mal-Artikolu 6.

4.   L-Istati Membri jistgħu jagħtu awtorizzazzjoni għall-bini ta' linja diretta soġġett għar-rifjut tal-aċċess għas-sistema fuq il-bażi, fejn ikun il-każ, tal-Artikolu 6 jew għall-bidu ta' riżoluzzjoni ta' tilwima taħt l-Artikolu 60.

5.   L-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw li jawtorizzaw linja diretta jekk l-għoti ta' tali awtorizzazzjoni ixekkel l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-obbligi tas-servizz pubbliku fl-Artikolu 9. Għal rifjut bħal dan għandhom jingħataw raġunijiet sostanzjati.

Artikolu 8

Proċedura ta' awtorizzazzjoni għal kapaċità ġdida

1.   Għall-bini ta' kapaċità ġdida ta' ġenerazzjoni, l-Istati Membri għandhom jadottaw proċedura ta' awtorizzazzjoni, li għandha titwettaq konformement ma' kriterji oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji.

2.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kriterji għall-għoti ta' awtorizzazzjonijiet għall-bini ta' kapaċità ta' ġenerazzjoni fit-territorju tagħhom. Sabiex jiddeterminaw kriterji xierqa, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw:

(a)

is-sigurtà u s-sikurezza tas-sistema tal-elettriku, installazzjonijiet u tagħmir assoċjat;

(b)

il-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza pubblika;

(c)

il-protezzjoni tal-ambjent;

(d)

l-użu tal-art u l-għażla tal-post;

(e)

l-użu tal-art pubblika;

(f)

l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija;

(g)

in-natura tas-sorsi primarji;

(h)

karatteristiċi partikolari għall-applikant, bħal kapaċitajiet tekniċi, ekonomiċi u finanzjarji;

(i)

konformità mal-miżuri adottati skont l-Artikolu 9;

(j)

il-kontribuzzjoni tal-kapaċità ta' ġenerazzjoni biex tintlaħaq il-mira ġenerali tal-Unjoni ta' sehem ta' mill-anqas 32 % tal-enerġija tal-Unjoni minn sorsi rinnovabbli fil-konsum gross finali tal-enerġija fl-2030 imsemmija fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19);

(k)

il-kontribuzzjoni tal-kapaċità ta' ġenerazzjoni lejn it-tnaqqis tal-emissjonijiet; u

(l)

l-alternattivi għall-bini ta' kapaċità ta' ġenerazzjoni ġdida, bħalma huma s-soluzzjonijiet ta' rispons tad-domanda u l-ħżin tal-enerġija.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu proċeduri ta' awtorizzazzjoni speċifiċi, simplifikati u razzjonalizzati għal ġenerazzjoni żgħira deċentralizzata u/jew distribwita, li jieħdu kont tad-daqs limitat u l-impatt potenzjali tagħhom.

L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu linji gwida għal dik il-proċedura speċifika ta' awtorizzazzjoni. L-awtoritajiet regolatorji jew awtoritajiet nazzjonali kompetenti oħra inklużi l-awtoritajiet ta' ppjanar għandhom jirrevedu dawk il-linji gwida u jistgħu jirrakkomandaw emendi għalihom.

Fejn Stati Membri stabbilixxew proċeduri partikolari ta' permess ta' użu ta' art li japplikaw għal proġetti ġodda maġġuri ta' infrastruttura fil-kapaċità tal-ġenerazzjoni, l-Istati Membri għandhom, fejn hu xieraq, jinkludu l-kostruzzjoni ta' kapaċità ta' ġenerazzjoni ġdida fil-firxa ta' applikabbiltà ta' dawk il-proċeduri u għandhom jimplimentawhom f'mod nondiskriminatorju u f'qafas ta' żmien xieraq.

4.   Il-proċeduri u l-kriterji tal-awtorizzazzjoni għandhom jiġu ppubblikati. L-applikanti għandhom ikunu informati dwar ir-raġunijiet għal kwalunkwe rifjut li tingħata awtorizzazzjoni. Ir-raġunijiet għandhom ikunu oġġettivi, non-diskriminatorji, raġunati u sostanzjati kif suppost. Proċeduri ta' appell għandhom ikunu disponibbli għall-applikanti.

Artikolu 9

Obbligi tas-servizz pubbliku

1.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, abbażi tal-organizzazzjoni istituzzjonali tagħhom u b'kont dovut għall-prinċipju ta' sussidjarjetà, li l-impriżi tal-elettriku jaħdmu konformement mal-prinċipji ta' din id-Direttiva bil-ħsieb li jintlaħaq suq kompetittiv, sigur, u ambjentalment sostenibbli għall-elettriku, u dawn ma għandhomx jiddiskriminaw bejn dawk l-impriżi fejn jikkonċerna d-drittijiet jew l-obbligi tagħhom.

2.   B'konsiderazzjoni sħiħa għad-dispożizzjonijiet relevanti tat-TFUE, b'mod partikolari l-Artikolu 106 tiegħu, l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq impriżi li jkunu qed jaħdmu fis-settur tal-elettriku, u fl-interess ekonomiku ġenerali, l-obbligi tas-servizz pubbliku li jistgħu jkunu marbuta mas-sigurtà, inkluża s-sigurtà tal-provvista, ir-regolarità, il-kwalità u l-prezz tal-provvisti u l-protezzjoni ambjentali, inklużi l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, l-enerġija minn sorsi rinnovabbli u l-protezzjoni tal-klima. Tali obbligi għandhom ikunu definiti b'mod ċar, trasparenti, mhux diskriminatorji u verifikabbli, u għandhom jiggarantixxu l-ugwaljanza tal-aċċess lill-impriżi tal-elettriku tal-Unjoni għall-konsumaturi nazzjonali. Obbligi tas-servizz pubbliku li jikkonċernaw l-iffissar tal-prezzijiet għall-provvista tal-elettriku għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5 ta' din id-Direttiva.

3.   Fejn hemm ipprovdut kumpens finanzjarju, jew forom oħra ta' kumpens u drittijiet esklużivi li Stat Membru jagħti għat-twettiq tal-obbligi previsti fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu jew għall-forniment ta' servizz universali kif stipulat fl-Artikolu 27, dan għandu jsir b'mod nondiskriminatorju u trasparenti.

4.   L-Istati Membri għandhom, meta tiġi trasposta din id-Direttiva, jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kollha adottati biex ikunu sodisfatti l-obbligi tas-servizz universali u tas-servizz pubbliku, inkluż il-protezzjoni tal-konsumatur u dik ambjentali, u l-effett possibbli tagħhom fuq il-kompetizzjoni nazzjonali u internazzjonali, kemm jekk miżuri bħal dawn ikunu jeħtieġu deroga minn din id-Direttiva kif ukoll jekk le. Huma għandhom sussegwentement jinfurmaw lill-Kummissjoni kull sentejn dwar kwalunkwe bdil għal dawk il- miżuri, kemm jekk dawn ikunu jeħtieġu xi deroga minn din id-Direttiva kif ukoll jekk le.

5.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx l-Artikoli 6, 7 u 8 ta' din id-Direttiva, kemm-il darba l-applikazzjoni tagħhom tkun tista' xxekkel, fil-liġi jew fil-verità, il-prestazzjoni tal-obbligi imposti fuq l-impriżi tal-elettriku fl-interess ekonomiku ġenerali, u kemm-il darba l-iżvilupp tal-kummerċ ma jkunx affettwat b'tali mod li jkun imur kontra l-interessi tal-Unjoni. L-interessi tal- Unjoni jinkludu, inter alia, il-kompetizzjoni fir-rigward tal-klijenti konformement mal-Artikolu 106 tat-TFUE u ma' din id-Direttiva.

KAPITOLU III

EMANĊIPAZZJONI U PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR

Artikolu 10

Drittijiet kuntrattwali bażiċi

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti finali kollha jkunu intitolati li jkollhom l-elettriku tagħhom ipprovdut minn fornitur, suġġett għal qbil tal-fornitur, irrispettivament f'liema Stat Membru jkun reġistrat il-fornitur, sakemm li l-fornitur jimxi mar-regoli dwar il-kummerċ u l-ibbilanċjar applikabbli. F'dak ir-rigward, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li proċeduri amministrattivi ma jiddiskriminawx kontra fornituri li diġà huma reġistrati fi Stat Membru ieħor.

2.   Mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, b'mod partikolari d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20) u d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE (21), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti finali għandhom id-drittijiet ipprovduti fil-paragrafi 3 sa 12 ta' dan l-Artikolu.

3.   Il-klijenti finali għandhom id-dritt ta' kuntratt mal-fornitur tagħhom li jispeċifika:

(a)

l-identità u l-indirizz tal-fornitur;

(b)

is-servizzi provduti, il-livell tal-kwalità tas-servizzi offruti kif ukoll iż-żmien għall-ewwel konnessjoni;

(c)

it-tipi ta' servizzi ta' manutenzjoni offruti;

(d)

il-mezzi kif tista' tinkiseb informazzjoni aġġornata dwar it-tariffi, il-ħlasijiet għall-manutenzjoni applikabbli u l-prodotti jew is-servizzi magħquda kollha;

(e)

it-tul tal-kuntratt, il-kondizzjonijiet għat-tiġdid u t-terminazzjoni tal-kuntratt u tas-servizzi, inklużi l-prodotti jew is-servizzi li huma magħquda ma' dawk is-servizzi, u jekk hijiex permessa t-terminazzjoni mingħajr ħlas tal-kuntratt;

(f)

kwalunkwe kumpens u arranġamenti ta' rifużjoni li japplikaw jekk il-livelli tal-kwalità tas-servizz kuntrattat ma jintlaħqux, inklużi kontijiet mhux korretti jew li jdumu ma jinħarġu;

(g)

il-metodu biex tinbeda proċedura għar-riżoluzzjoni ta' tilwima f'konformità mal-Artikolu 26;

(h)

informazzjoni dwar id-drittijiet tal-konsumatur, inkluż informazzjoni dwar il-ġestjoni tal-ilmenti u l-informazzjoni kollha msemmija f'dan il-paragrafu, li hija kkomunikata b'mod ċar fuq il-kont jew fuq is-sit web tal-impriża tal-elettriku,

Il-kondizzjonijiet għandhom ikunu imparzjali u magħrufa sew minn qabel. Fi kwalunkwe każ, din l-informazzjoni għandha tingħata qabel il-konklużjoni jew il-konferma tal-kuntratt. Fejn xi kuntratti jkunu konklużi permezz ta' intermedjarji, l-informazzjoni relatata mal-kwistjonijiet msemmija f'dan il-paragrafu għandha wkoll tkun provduta qabel il-konklużjoni tal-kuntratt.

Klijenti finali għandhom jiġu pprovduti b'sommarju tal-kondizzjonijiet kuntrattwali prinċipali b'mod prominenti u b'lingwaġġ konċiż u sempliċi.

4   Il-klijenti finali għandhom jingħataw avviż xieraq ta' kull intenzjoni li jiġu modifikati l-kondizzjonijiet kuntrattwali u għandhom ikunu infurmati bid-dritt tagħhom li jitterminaw il-kuntratt meta jingħata l-avviż. Il-fornituri għandhom jinnotifikaw lill-klijenti finali tagħhom, b'mod trasparenti u li jinftiehem, direttament dwar kwalunkwe aġġustament fil-prezz tal-provvista u r-raġunijiet u l-kondizzjonijiet minn qabel għall-aġġustament, kif ukoll l-ambitu tiegħu, fi żmien xieraq mhux aktar tard minn ġimagħtejn, jew mhux aktar tard minn xahar fil-każ ta' klijenti domestiċi, qabel l-aġġustament jidħol fis-seħħ. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti finali jkunu ħielsa li jitterminaw kuntratti jekk ma jaċċettawx il-kondizzjonijiet kuntrattwali ġodda jew l-aġġustament tal-prezz tal-provvista nnotifikat lilhom mill-fornitur tagħhom.

5.   Il-fornituri għandhom jipprovdu lill-klijenti finali b'informazzjoni trasparenti dwar il-prezzijiet u t-tariffi applikabbli u dwar it-termini u l-kondizzjonijiet standards, fir-rigward tal-aċċess għal u l-użu tas-servizzi tal-elettriku.

6.   Il-fornituri għandhom joffru lill-klijenti finali b'għażla wiesgħa tal-metodi tal-ħlas. Tali metodi ta' ħlas ma għandhomx jiddiskriminaw b'mod mhux dovut bejn il-klijenti. Kwalunkwe differenza fit-tariffi marbuta mal-metodi tal-ħlas jew ma' sistemi ta' ħlas minn qabel għandha tkun oġġettiva, nondiskriminatorja u proporzjonata u m'għandhiex taqbeż l-ispejjeż diretti mġarrba mill-benefiċjarju għall-użu ta' metodu ta' ħlas speċifiku jew ta' sistema ta' ħlas minn qabel, f'konformità mal-Artikolu 62 tad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22).

7.   Skont il-paragrafu 6, il-klijenti domestiċi li għandhom aċċess għas-sistemi ta' ħlas minn qabel ma għandhomx jitqegħdu fi żvantaġġ mis-sistemi ta' ħlas minn qabel.

8.   Il-fornituri għandhom joffru lill-klijenti finali termini ġenerali u kondizzjonijiet ġusti u trasparenti li għandhom jiġu pprovduti b'lingwaġġ sempliċi u mhux ambigwu u m'għandhomx jinkludu ostakli mhux kuntrattwali għall-eżerċizzju tad-drittijiet tal-konsumaturi, bħaldokumentazzjoni kuntrattwali eċċessiva. Il-klijenti għandhom jiġu protetti kontra l-metodi mhux imparzjali u qarrieqa ta' bejgħ.

9.   Il-klijenti finali għandhom id-dritt għal standard tajjeb ta' servizz u indirizzar tal-ilmenti mill-fornituri tagħhom. Il-fornituri għandhom jindirizzaw l-ilmenti b'mod sempliċi, ġust u malajr.

10.   Meta jaċċedu għal servizz universali taħt id-dispożizzjonijiet adottati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 27, il-klijenti finali għandhom jiġi informati dwar id-drittijiet tagħhom fir-rigward tas-servizz universali.

11.   Il-fornituri għandhom jipprovdu lill-klijenti domestiċi b'informazzjoni adegwata dwar miżuri alternattivi għall-iskonnessjoni, biżżejjed minn qabel kwalunkwe skonnessjoni ppjanata. Tali miżuri alternattivi jistgħu jirreferi għas-sorsi tal-appoġġ biex tiġi evitata l-iskonnessjoni, pjanijiet ta' ħlas minn qabel, awditjar tal-enerġija, servizzi ta' konsulenza dwar l-enerġija, pjanijiet ta' ħlas alternattivi, konsulenza dwar il-ġestjoni tad-dejn jew moratorji għall-iskonnessjoni u ma jikkostitwixxux spiża ulterjuri għall-klijenti li jkunu qed jaffaċċjaw l-iskonnessjoni.

12.   Il-fornituri għandhom jipprovdu lill-klijenti finali b'kont finali ta' għeluq wara kwalunkwe bidla fil-fornitur mhux aktar tard minn sitt ġimgħat wara tali bidla tkun seħħet.

Artikolu 11

Intitolament għal kuntratt tal-elettriku bi prezz dinamiku

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qafas regolatorju nazzjonali jippermetti lill-fornituri joffru kuntratti tal-elettriku bi prezz dinamiku. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti finali li għandhom miter intelliġenti installat jistgħu jitolbu li jikkonkludu kuntratt tal-elettriku bi prezz dinamiku ma' tal-inqas fornitur wieħed u ma' kull fornitur li għandu aktar minn 200 000 klijent finali.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti finali jkunu infurmati kompletament mill-fornituri dwar l-opportunitajiet, l-ispejjeż u r-riskji ta' kuntratti tal-elettriku bi prezz dinamiku bħal dawn u għandhom jiżguraw li l-fornituri huma mitluba jipprovdu informazzjoni lill-klijenti finali kif xieraq, inkluża dwar il-ħtieġa li jiġi installat kejl tal-elettriku adegwat. L-awtoritajiet regolatorji għandhom jissorveljaw l-iżviluppi tas-suq u jivvalutaw ir-riskji li prodotti u servizzi ġodda jistgħu jimplikaw u jindirizzaw il-prattiki abbużivi.

3.   Il-fornituri għandhom jiksbu l-kunsens ta' kull klijent finali qabel dak il-klijent jibdel għal kuntratt dwar prezz dinamiku tal-elettriku.

4.   Għall-inqas għal perjodu ta' għaxar snin wara li l-kuntratti tal-elettriku bi prezz dinamiku jsiru disponibbli, l-Istati Membri jew l-awtoritajiet regolatorji tagħhom għandhom jissorveljaw, u għandhom jippubblikaw rapport annwalidwar l-iżviluppi ewlenin ta' tali kuntratti, inklużi l-offerti tas-suq, u l-impatt fuq il-kontijiet tal-konsumaturi, u speċifikament il-livell ta' volatilità tal-prezz.

Artikolu 12

Dritt għall-bdilu regoli dwar tariffi marbuta mal-bdil

1.   Il-bdil ta' fornitur jew ta' parteċipant tas-suq involut f'aggregazzjoni għandu jsir fl-iqsar żmien possibbli. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li klijent li jixtieq jibdel il-fornituri jew il-parteċipanti tas-suq impenjati fl-aggregazzjoni, filwaqt li jirrispetta l-kondizzjonijiet kuntrattwali, jkun intitolat għal tali bidla fi żmien massimu ta' tliet ġimgħat mid-data tat-talba. Sa mhux aktar tard mill-2026, il-proċess tekniku tal-bdil tal-fornitur m'għandux jieħu aktar minn 24 siegħa u għandu jkun possibbli fi kwalunkwe jum ta' xogħol.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tal-inqas il-klijenti domestiċi u l-intrapriżi ż-żgħar ma jeħlu l-ebda tariffi marbuta mal-bdil.

3.   B'deroga mill-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-fornituri jew lill-parteċipanti tas-suq impenjati fl-aggregazzjoni jimponu fuq il-klijenti tariffi għat-terminazzjoni tal-kuntratt fejn dawk il-klijenti volontarjament itemmu kuntratti għal terminu fiss, bi prezz fiss ta' provvista tal-elettriku qabel dawn ma jkunu mmaturaw, dment li tali tariffi jkunu parti minn kuntratt li l-klijent ikun daħal għalih volontarjament u li tali tariffi jiġu kkomunikati b'mod ċar lill-klijent qabel ma jidħol għall-kuntratt. Tariffi bħal dawn għandhom ikunu proporzjonati u m'għandhomx jeċċedu t-telf ekonomiku dirett għall-fornitur jew il-parteċipanti tas-suq impenjat fl-aggregazzjoni li jirriżultaw mit-terminazzjoni mill-klijent tal-kuntratt, inkluż l-ispejjeż ta' kwalunkwe investimenti magħquda jew servizzi li diġà jkunu ġew provduti lill-klijent bħala parti mill-kuntratt. L-oneru li jiġi pprovat it-telf ekonomiku dirett għandu jkun fuq il-fornitur jew fuq il-parteċipanti tas-suq impenjati fl-aggregazzjoni, u l-permissibbilà tat-tariffi għat-terminazzjoni tal-kuntratt għandha tiġi mmonitorjata mill-awtorità regolatorja, jew minn awtorità kompetenti nazzjonali oħra.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dritt tal-bdil tal-fornitur jew il-parteċipanti tas-suq impenjati fl-aggregazzjoni jingħata lill-klijenti b'mod mhux diskriminatorju fir-rigward tal-ispiża, l-isforz u l-ħin.

5.   Il-klijenti domestiċi għandhom ikunu intitolati jipparteċipaw fi skemi ta' bdil kollettiv. L-Istati Membri għandhom ineħħu l-ostakli regolatorji jew amministrattivi kollha għall-bdil kollettiv, filwaqt li jipprovdu qafas li jiżgura l-ogħla livell ta' protezzjoni għall-konsumaturi biex jevitaw kwalunkwe prattika abbużiva.

Artikolu 13

Kuntratt ta' aggregazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti kollha jkunu ħielsa li jixtru u jbiegħu s-servizzi tal-elettriku, inkluż aggregazzjoni, minbarra l-provvista, irrispettivament mill-kuntratt tagħhom ta' provvista tal-elettriku u mill-impriża tal-elettriku li jagħżlu huma.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta klijent finali jkun jixtieq jikkonkludi kuntratt ta' aggregazzjoni, il-klijent finali jkun intitolat jagħmel dan mingħajr il-kunsens tal-impriżi tal-elettriku tal-klijent finali.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-parteċipanti fis-suq involuti fl-aggregazzjoni jinfurmaw kompletament lill-klijenti dwar it-termini u l-kondizzjonijiet tal-kuntratti li huma joffrulhom.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti finali jkunu intitolati jirċievu d-data kollha rilevanti tar-rispons tad-domanda jew id-data dwar l-elettriku pprovdut jew mibjugħ mingħajr ħlas għall-inqas kull perijodu li għalih jinħareġ il-kont jekk dan jintalab mill-klijent.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-drittijiet imsemmija fil-paragrafi 2u 3 jingħataw lill-klijenti finali kollha b'mod mhux diskriminatorju fir-rigward ta' spiża, sforz jew żmien. B'mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti ma jkunux soġġetti għal rekwiżiti tekniċi u amministrattivi, proċeduri jew imposti diskriminatorji min-naħa tal-fornitur tagħhom abbażi ta' jekk għandhomx kuntratt ma' parteċipant fis-suq involut f'aggregazzjoni.

Artikolu 14

Għodod għat-tqabbil

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tal-anqas il-klijenti domestiċi u l-mikrointrapriżi b'konsum annwali previst inferjuri għal 100 000 kWh ikollhom aċċess b'xejn, għal tal-anqas għodda waħda għat-tqabbil tal-offerti tal-fornituri, inklużi offerti għall-kuntratti dwar prezz dinamiku tal-elettriku. Il-klijenti għandhom jiġu infurmati dwar id-disponibbiltà ta' tali għodod fil-kontijiet tagħhom jew flimkien magħhom jew b'modi oħra. L-għodda għandhom jissodisfaw tal-inqas ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

ikunu indipendenti mill-parteċipanti kollha fis-suq u jiżguraw li l-impriżi tal-elettriku jingħataw trattament ugwali fir-riżultati tat-tiftix;

(b)

jiddivulgaw biċ-ċar lis-sidien tagħhom kif ukoll il-persuna naturali jew ġuridika li topera u tikkontrolla l-għodda, u anke informazzjoni dwar kif inhuma ffinanzjati l-għodod;

(c)

jistabbilixxu kriterji ċari u oġġettivi li fuqhom għandu jkun ibbażat it-tqabbil, inklużi s-servizzi, u jiddivulgawhom;

(d)

jużaw lingwaġġ ċar u mhux ambigwu;

(e)

jipprovdu informazzjoni preċiża u aġġornata u jiddikjaraw il-ħin tal-aħħar aġġornament;

(f)

ikunu aċċessibbli għal persuni b'diżabbiltà, billi jkunu perċepibbli, operattivi, komprensibbli, u robusti;

(g)

jipprovdu proċedura effettiva għar-rapportar ta' informazzjoni żbaljata dwar offerti ppublikati; u

(h)

iqabblu filwaqt li jillimitaw id-data personali mitluba għal dik strettament neċessarja għat-tqabbil.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li mill-inqas għodda waħda tkopri s-suq kollu kemm hu. Meta diversi għodod ikopru s-suq, dawk l-għodod għandhom jinkludu, b'mod komplut kemm jista' jkun, firxa ta' offerti għall-elettriku li tkopri parti sinifikanti tas-suq u, meta dawk l-għodod ma jkoprux is-suq għalkollox, dikjarazzjoni ċara li tgħid hekk, qabel ma jintwerew ir-riżultati.

2.   L-għodod imsemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jitħaddmu minn kwalunkwe entità, inklużi l-kumpaniji privati u awtoritajiet jew korpi pubbliċi.

3.   L-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità kompetenti waħda li tkun responsabbli għall-ħruġ ta' marki ta' fiduċja għall-għodod ta' tqabbil li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1, u sabiex tiżgura li l-għodod għat-tqabbil li għandhom marka ta' fiduċja jibqgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1. Dik l-awtorità għandha tkun indipendenti minn kull parteċipant tas-suq u operatur ta' għodod tat-tqabbil.

4.   L-Istati Membri jistgħu jesiġu li l-għodod għat-tqabbil imsemmija fil-paragrafu 1 jinkludu kriterji komparattivi marbuta man-natura tas-servizzi offruti mill-fornituri.

5.   Kwalunkwe għodda li tqabbel l-offerti tal-parteċipanti fis-suq għandha tkun eliġibbli għal applikazzjoni għal marka ta' fiduċja skont dan l-Artikolu fuq bażi volontarja u mhux diskriminatorja.

6.   Permezz ta' deroga mill-paragrafi 3 u 5, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li ma jipprovdux għall-ħruġ ta' marki ta' fiduċja għall-għodod ta' tqabbil jekk awtorità jew korp pubbliku jipprovdi għodda ta' tqabbil li tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1.

Artikolu 15

Klijenti attivi

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti finali ikunu intitolati jaġixxu bħala klijenti attivi, mingħajr ma jkunu soġġetti għal rekwiżiti tekniċi u rekwiżiti, proċeduri u tariffi amministrattivi li jkunu sproporzjonati jew diskriminatorji, u għal imposti tan-netwerk li ma jirriflettux l-ispiża reali.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti attivi jkunu:

(a)

intitolati li joperaw direttament jew permezz ta' aggregazzjoni;

(b)

intitolati li jbiegħu elettriku li jiġġeneraw huma stess, inkluż permezz ta' ftehimiet ta' xiri tal-elettriku;

(c)

intitolati li jipparteċipaw fi skemi ta' flessibbiltà u ta' effiċjenza fl-użu tal-enerġija;

(d)

intitolati li jiddelegaw lil parti terza l-ġestjoni tal-installazzjonijiet meħtieġa għall-attivitajiet tagħhom, inkluż l-installazzjoni, l-operazzjoni, it-trattament u l-manutenzjoni tad-data mingħajr ma dik il-parti terza titqies bħala klijent attiv;

(e)

soġġetti għal imposti tan-netwerk li jirriflettu l-ispiża, li jkunu trasparenti u mhux diskriminatorji u li jirriflettu, b'mod separat, l-elettriku trażmess lejn il-grilja, kif ukoll l-elettriku kkunsmat, skont l-Artikolu 59(9) ta' din id-Direttiva u l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2019/943, jiżguraw li jikkontribwixxu b'mod adegwat u bilanċjat għall-qsim tal-ispejjeż ġenerali tas-sistema;

(f)

finanzjarjament responsabbli għall-iżbilanċi li joħolqu fis-sistema tal-elettriku; saa dan il-punt huma għandhom ikunu partijiet responsabbli għall-bilanċ jew għandhom jiddelegaw ir-responsabbiltà għall-ibbilanċjar tagħhom skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2019/943.

3.   L-Istati Membri jista' jkollhom dispożizzjonijiet differenti applikabbli għal klijenti attivi li jaġixxu individwalment jew flimkien fil-liġi nazzjonali tagħhom, bil-kondizzjoni li d-drittijiet u l-obbligi kollha skont dan l-Artikolu japplikaw għall-klijenti attivi kollha. Kwalunkwe differenza fit-trattament tal-klijenti attivi li jaġixxu flimkien għandha tkun proporzjonata u ġustifikata kif xieraq.

4.   L-Istati Membri li għandhom skemi eżistenti li ma jagħmlux il-kontijiet b'mod separat għall-elettriku trażmess fil-grilja kif ukoll l-elettriku kkunsmat mill-grilja, ma għandhomx jagħtu drittijiet ġodda taħt tali skemi wara l-31 ta' Diċembru 2023. Fi kwalunkwe każ, il-klijenti soġġetti għal skemi eżistenti għandhom il-possibbiltà fi kwalunkwe ħin li jagħżlu skema ġdida li tkopri separatament l-elettriku trażmess fil-grilja u l-elettriku kkunsmat mill-grilja bħala l-bażi għall-kalkolu tat-tariffi tan-netwerk.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti attivi li jkunu sidien ta' faċilità tal-ħżin tal-enerġija:

(a)

ikollhom id-dritt għal konnessjoni mal-grilja fi żmien raġonevoli wara t-talba, sakemm jiġu ssodisfatti l-kondizzjonijiet kollha meħtieġa, bħall-ibbilanċjar tar-responsabbiltà u l-metraġġ adegwat;

(b)

ma jkunu soġġetti għall-ebda tariffa doppja, inklużi tariffi tan-netwerk, għal elettriku maħżun li jibqa' fil-bini tagħhom jew meta jagħtu servizzi ta' flessibbiltà lill-operaturi tas-sistema;

(c)

ma jkunux soġġetti għal rekwiżiti ta' liċenzjar jew tariffi sproporzjonati;

(d)

ikunu jistgħu jipprovdu diversi servizzi fl-istess ħin, jekk dan ikun teknikament fattibbli.

Artikolu 16

Komunitajiet tal-enerġija taċ-ċittadin

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu qafas regolatorju abilitanti għall-komunitajiet tal-enerġija taċ-ċittadin, biex b'hekk jiżguraw li:

(a)

il-parteċipazzjoni f'komunità tal-enerġija taċ-ċittadin tkun miftuħa u volontarja;

(b)

il-membri jew l-azzjonisti ta' komunità tal-enerġija taċ-ċittadin jitħallew jitilqu mill-komunità, f'liema każ japplika l-Artikolu 12;

(c)

il-membri jew l-azzjonisti ta' komunità tal-enerġija taċ-ċittadin ma jitilfux id-drittijiet u l-obbligi tagħhom bħala klijenti domestiċi jew klijenti attivi;

(d)

soġġett għal kumpens ġust kif ivvalutat mill-awtorità regolatorja, l-operaturi rilevanti tas-sistema tad-distribuzzjoni jikkooperaw mal-komunitajiet tal-enerġija taċ-ċittadin biex jiġu ffaċilitati t-trasferimenti tal-elettriku fil-komunitajiet tal-enerġija taċ-ċittadin;

(e)

il-komunitajiet tal-enerġija taċ-ċittadin huma soġġetti għal proċeduri u tariffi nondiskriminatorji, proporzjonati, ġusti u trasparenti, inkluż firrigward tar-reġistrazzjoni u l-liċenzjar, kif ukoll tariffi tan-netwerk trasparenti, nondiskriminatorji u li jirriflettu l-ispiża f'konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2019/943 u b'hekk jiżguraw li jikkontribwixxu b'mod adegwat u bbilanċjat għall-qsim tal-ispejjeż globali tas-sistema.

2.   L-Istati Membri jistgħu, fil-qafas regolatorju abilitanti, jipprevedu li l-komunitajiet tal-enerġija taċ-ċittadin:

(a)

ikunu miftuħa għal parteċipazzjoni transkonfinali;

(b)

ikunu intitolati jkunu s-sidien ta', jistabbilixxu jew jikru, netwerks ta' distribuzzjoni u li jamministrawhom b'mod awtonomu, skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu;

(c)

ikunu soġġetti għall-eżenzjonijiet previsti mill-Artikolu 38(2).

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li komunitajiet tal-enerġija taċ-ċittadin:

(a)

ikunu jistgħu jaċċessaw is-swieq tal-elettriku kollha, direttament jew permezz tal-aggregazzjoni b'mod mhux diskriminatorju;

(b)

ikunu trattati b'mod proporzjonat u mhux diskriminatorju fir-rigward tal-attivitajiet, id-drittijiet u l-obbligi tagħhom bħala klijenti finali, produtturi, fornituri, operaturi ta' sistema ta' distribuzzjoni jew parteċipanti fis-suq involuti f'aggregazzjoni;

(c)

ikunu finanzjarjament responsabbli għall-iżbilanċi li joħolqu fis-sistema tal-elettriku; sa dan il-punt huma għandhom ikunu partijiet responsabbli għall-bilanċ jew għandhom jiddelegaw ir-responsabbiltà għall-ibbilanċjar tagħhom skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2019/943;

(d)

fir-rigward tal-konsum tal-elettriku li jiġġeneraw huma stess, il-komunitajiet tal-enerġija taċ-ċittadin jitqiesu bħala klijenti attivi skont il-punt (e) tal-Artikolu 15(2);

(e)

ikunu intitolati jagħmlu arranġamenti fi ħdan il-komunità tal-enerġija taċ-ċittadin għall-qsim tal-elettriku li jiġi prodott permezz tal-unitajiet ta' produzzjoni li jkunu l-proprjetà tal-komunità, soġġett għal rekwiżiti oħrajn stabbiliti f'dan l-Artikolu u soġġett għall-membri tal-komunità li jżommu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom bħala klijenti finali.

Għall-finijiet tal-punt (e) tal-ewwel subparagrafu, meta l-elettriku jinqasam, dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-imposti u t-tariffi tan-netwerk applikabbli, skont analiżi trasparenti tal-ispejjeż u l-benefiċċji tar-riżorsi tal-enerġija distribwita żviluppata mill-awtorità kompetenti nazzjonali.

4.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jagħtu lill-komunitajiet tal-enerġija taċ-ċittadin id-dritt li jmexxu netwerks tad-distribuzzjoni fiż-żona tagħhom ta' operazzjoni u jistabbilixxu l-proċeduri rilevanti, mingħajr ħsara għall-Kapitolu IV jew għal regoli u regolamenti oħrajn li japplikaw għall-operaturi tas-sistema tad-distribuzzjoni. Jekk jingħata tali dritt, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-komunitajiet tal-enerġija taċ-ċittadin:

(a)

ikunu intitolati jikkonkludu ftehim dwar l-operazzjoni tan-netwerk tagħhom mal-operatur rilevanti tas-sistema ta' distribuzzjoni jew tas-sistema ta' trażmissjoni li magħhom ikun imqabbad in-netwerk tagħhom;

(b)

huma soġġetti għall-imposti xierqa tan-netwerk fil-punti tal-konnessjoni bejn in-netwerk tagħhom u n-netwerk tad-distribuzzjoni barra l-komunità tal-enerġija taċ-ċittadin u li tali imposti tan-netwerk jieħdu kont b'mod separat għall-elettriku trażmess lejn in-netwerk tad-distribuzzjoni kif ukoll l-elettriku kkunsmat min-netwerk tad-distribuzzjoni barra l-komunità tal-enerġija taċ-ċittadin f'konformità mal-Artikolu 59(7);

(c)

ma jiddiskriminawx jew jagħmlu ħsara lill-klijenti li jibqgħu konnessi mas-sistema tad-distribuzzjoni.

Artikolu 17

Rispons għad-domanda permezz tal-aggregazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jippermettu u jrawmu l-parteċipazzjoni tar-rispons għad-domanda permezz tal-aggregazzjoni. L-Istati Membri għandhom jippermettu lill-klijenti finali, fosthom dawk li joffru r-rispons tad-domanda permezz tal-aggregazzjoni, li jieħdu sehem flimkien mal-produtturi b'mod mhux diskriminatorju fis-swieq tal-elettrikukollha.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni u l-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni, huma u jiksbu servizzi anċillari, jittrattaw lill-parteċipanti tas-suq involuti fl-aggregazzjoni tar-rispons għad-domanda, b'mod mhux diskriminatorju flimkien mal-produtturi abbażi tal-kapaċitajiet tekniċi tagħhom.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qafas regolatorju rilevanti tagħhomikun fih tal-anqas l-elementi li ġejjin:

(a)

id-dritt għal kull parteċipant tas-suq involut fl-aggregazzjoni, inkluż l-aggregaturi indipendenti, biex jidħol fis-swieq tal-elettriku mingħajr il-kunsens tal-parteċipanti l-oħra tas-suq;

(b)

regoli trasparenti u mhux diskriminatorji li jassenjaw b'mod ċar ir-rwoli u r-responsabbiltajiet lill-intrapriżi u lill-klijenti tal-elettriku kollha;

(c)

regoli u proċeduri nondiskriminatorji u trasparenti għall-iskambju tad-data bejn il-parteċipanti tas-suq involuti fl-aggregazzjoni u intrapriżi tal-elettriku oħrajn li jiżguraw aċċess faċli għad-data f'termini ugwali u mhux diskriminatorji filwaqt li jipproteġu kompletament informazzjoni sensittiva kummerċjali u d-data personali tal-klijenti;

(d)

obbligu fuq il-parteċipanti tas-suq impenjati fl-aggregazzjoni li jkunu finanzjarjament responsabbli għall-iżbilanċi li joħolqu fis-sistema tal-elettriku; sa dan il-punt huma għandhom ikunu partijiet responsabbli għall-bilanċ jew għandhom jiddelegaw ir-responsabbiltà għall-ibbilanċjar tagħhom skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2019/943;

(e)

dispożizzjoni għall-klijenti finali li għandhom kuntratt ma' aggregaturi indipendenti li ma għandhomx ikunu soġġetti għal ħlasijiet, penali indebiti, jew xi restrizzjonijiet kuntrattwali indebita oħra mill-fornituri tagħhom;

(f)

mekkaniżmu għar-riżoluzzjoni ta' tilwim bejn il-parteċipanti tas-suq involuti fl-aggregazzjoni u parteċipanti tas-suq oħrajn, inkluża r-responsabbiltà għal żbilanċi.

4.   L-Istati Membri jistgħu jeżiġu li l-impriżi tal-elettriku jew il-klijenti finali parteċipanti jħallsu kumpens finanzjarju lil parteċipanti oħra fis-suq jew lill-partijiet responsabbli mill-ibbilanċjar tal-parteċipanti fis-suq, jekk dawk il-parteċipanti fis-suq jew partijiet responsabbli mill-ibbilanċjar huma direttament affettwati mill-attivazzjoni tar-rispons tad-domanda. Tali kumpens finanzjarju ma għandux joħolq ostakolu għad-dħul fis-suq għall-parteċipanti tas-suq involuti fl-aggregazzjoni jew ostaklu għall-flessibbiltà. F'tali każijiet, il-kumpens finanzjarju għandu jkun strettament limitat biex ikopri l-ispejjeż li jirriżultaw, imġarrba mill-fornituri tal-klijenti parteċipanti jew mill-partijiet responsabbli mill-ibbilanċjar tal-fornituri matul l-attivazzjoni tar-rispons għad-domanda. Il-metodu ta' kalkolu għall-kumpens jista' jqis il-benefiċċji indotti mill-aggregaturi indipendenti lil parteċipanti oħra fis-suq u, fejn jagħmel dan, l-aggregaturi jew il-klijenti parteċipanti jistgħu jiġu mitluba jikkontribwixxu għal tali kumpens iżda biss jekk u sa fejn il-benefiċċji għall-fornituri kollha, għall-klijenti u għall-partijiet tagħhom responsabbli mill-bilanċ tagħhom ma jeċċedux l-ispejjeż diretti mġarrba. Il-metodu tal-kalkolu għandu jkun suġġett għall-approvazzjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali jew ta' awtorità kompetenti nazzjonali oħra.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji jew, fejn is-sistema legali nazzjonali tagħhom teżiġi hekk, l-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni u l-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni, li jaġixxu f'kooperazzjoni mill-qrib mal-parteċipanti tas-suq u l-klijenti finali, jistabbilixxu ir-rekwiżiti tekniċi tal-parteċipazzjoni fir-rispons tad-domanda fis-swieq tal-elettriku kollha abbażi tal-karatteristiċi tekniċi ta' dawk is-swieq u l-kapaċitajiet tar-rispons tad-domanda. Tali rekwiżiti għandhom ikopru parteċipazzjoni li tinvolvi tagħbijiet aggregati.

Artikolu 18

Kontijiet u informazzjoni dwar il-kontijiet

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kontijiet u l-informazzjoni dwar il-kontijiet ikunu preċiżi, jinftiehmu faċilment, ċari, konċiżi, faċli għall-utent u ppreżentati b'mod li jiffaċilitaw it-tqabbil mill-klijenti finali. Fuq talba, il-klijenti finali għandhom jirċievu spjegazzjoni ċara u li tiftiehem ta' kif il-kont tagħhom ġie dderivat, speċjalment meta l-kontijiet ma jkunux ibbażati fuq il-konsum attwali.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti finali jirċievu l-kontijiet tagħhom u l-informazzjoni dwar il-kontijietmingħajr ħlas.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti finali jkunu offruti l-għażla ta' kontijiet elettroniċi u informazzjoni dwar il-kontijiet u jkunu offruti arranġamenti flessibbli għall-ħlas attwali tal-kontijiet.

4.   Jekk il-kuntratt jipprovdi għal tibdil futur tal-prodott jew il-prezz jew roħs, dan għandu jkun indikat fuq il-kont flimkien mad-data meta t-tibdil iseħħ.

5.   L-Istati Membri għandhom jikkonsultaw l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur meta jikkunsidraw tibdiliet fir-rekwiżiti għall-kontenut tal-kontijiet.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kontijiet u l-informazzjoni dwar il-kontijiet jilħqu r-rekwiżiti minimi stipulati fl-Anness I.

Artikolu 19

Sistemi ta' kejl intelliġenti

1.   Sabiex titħeġġeġ l-effiċjenza fl-enerġija u tingħata ċerta setgħa tal-klijenti finali, l-Istati Membri, jew meta l-Istat Membru jkollu dispożizzjonijiet għal dawn, l-awtorità regolatorja għandhom jirrakkomandaw b'mod qawwi li l-impriżi tal-elettriku u parteċipanti oħra fis-suq jottimizzaw l-użu tal-elettriku, inter alia billi jipprovdu servizzi ta' ġestjoni tal-enerġija, l-iżvilupp ta' formuli innovattivi ta' tariffi u jintroduċu sistemi ta' kejl intelliġenti li huma interoperabbli b'mod partikolari b'sistemi ta' ġestjoni tal-enerġija tal-konsumaturi u bi grilji intelliġenti, skont ir-regoli applikabbli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-introduzzjoni fit-territorji tagħhom ta' sistemi ta' kejl intelliġenti li għandhom jappoġġjaw il-parteċipazzjoni attiva tal-klijenti fis-suq tal-elettriku. Tali introduzzjoni tista' tkun soġġetta għal valutazzjoni tal-kost-benefiċċji li għandha ssir skont il-prinċipji stipulati fl-Anness II.

3.   L-Istati Membri li jissoktaw bl-introduzzjoni ta' sistemi ta' kejl intelliġenti għandhom jadottaw u jippubblikaw ir-rekwiżiti funzjonali minimi u tekniċi għas-sistemi ta' kejl intelliġenti li jkunux se jiġu introdotti fit-territorji tagħhom, skont l-Artikolu 20 u l-Anness II. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk is-sistemi ta' kejl intelliġenti jkunu interoperabbli u li jkunu kapaċi jipprovdu output għas-sistemi ta' ġestjoni tal-enerġija tal-konsumaturi. F'dak ir-rigward, l-Istati Membri għandhom iqisu l-użu tal-istandards disponibbli rilevanti, inklużi dawk tal-interoperabbiltà, l-aqwa prattiki u l-importanza tal-iżvilupp ta' grilji intelliġenti u l-iżvilupp tas-suq intern għall-elettriku.

4.   L-Istati Membri li jissoktaw bl-introduzzjoni ta' sistemi ta' kejl intelliġenti għandhom jiżguraw li l-klijenti finali jikkontribwixxu għall-ispejjeż assoċjati tal-introduzzjoni b'mod trasparenti u mhux diskriminatorju filwaqt li jieħdu kont tal-benefiċċji fit-tul għall-katina tal-provvista kollha kemm hi. L-Istati Membri, jew meta jkun ippreveda hekk Stat Membru, l-awtoritajiet kompetenti maħtura, għandhom jimmonitorjaw tali introduzzjoni regolarment fit-territorji tagħhom sabiex isegwut-twassil tal-benefiċċjigħall-konsumaturi.

5.   Fejn l-introduzzjoni ta' sistemi ta' kejl intelliġenti tkun ġiet ivvalutata b'mod negattiv b'riżultat tal-valutazzjoni tal-kost-benefiċċji msemmija fil-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li din il-valutazzjoni tiġi riveduta minn tal-inqas kull erba' snin, jew aktar ta' spiss, b'rispons għall-bidliet sinifikanti fis-suppożizzjonijiet sottostanti u b'rispons għall-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bir-riżultat tal-valutazzjoni aġġornata tagħhom tal-kost-benefiċċji malli dan isir disponibbli.

6.   Id-dispożizzjonijiet f'din id-Direttiva dwar is-sistemi ta' kejl intelliġenti għandhom japplikaw għall-installazzjonijiet futuri u għall-installazzjonijiet li jissostitwixxi kejl intelliġenti eqdem. Is-sistemi ta' kejl intelliġenti li diġà huma installati, jew għalihom “il-bidu tax-xogħol” beda qabel l-4 ta' Lulju 2019, jistgħu jibqgħu jaħdmu tul il-ħajja tagħhom iżda, fil-każ ta' sistemi ta' kejl intelliġenti li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 20 u l-Anness II, ma jibgħux jaħdmu wara l-5 ta' Lulju 2031.

Għall-finijiet ta' dan il-paragrafu, “il-bidu tax-xogħol” tfisser jew il-bidu tax-xogħol ta' kostruzzjoni fuq l-investiment jew l-ewwel impenn vinkolanti biex jiġi ordnat tagħmir jew impenn ieħor li jagħmel l-investiment irriversibbli, skont liema jseħħ l-ewwel. Ix-xiri tal-art u xogħlijiet ta' preparazzjoni bħall-kisba ta' permessi u t-twettiq ta' studji preliminarji ta' fattibbiltà ma jitqisux bħala l-bidu tax-xogħol. Fir-rigward ta' “take-overs”, “il-bidu tax-xogħol” tfisser il-mument li fih jiġu akkwistati l-assi li jkunu konnessi direttament mal-istabbiliment akkwistat.

Artikolu 20

Funzjonalitajiet ta' sistemi ta' kejl intelliġenti

Fejn l-introduzzjoni ta' sistemi ta' kejl intelliġenti tkun ġiet ivvalutata b'mod pożittiv b'riżultat tal-valutazzjoni tal-kost-benefiċċji msemmija fl-Artikolu 19(2), jew fejn sistemi ta' kejl intelliġenti ikunu ġew introdotti b'mod sistematiku wara l-4 ta' Lulju 2019, l-Istati Membri għandhom jintroduċu sistemi ta' kejl intelliġenti f'konformità mal-istandards Ewropew, Anness II, u r-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

is-sistemi ta' kejl intelliġenti għandhom ikejlu b'mod preċiż il-konsum reali tal-elettriku u għandhom ikunu kapaċi jipprovdu informazzjoni dwar il-ħin reali tal-użu lill-klijenti finali. Id-data storika tal-konsum ivvalidata għandha tkun disponibbli faċilment u b'mod sigur u tidher lill-klijenti finali fuq talba u mingħajr ħlas ulterjuri. Id-data tal-konsum f'ħin kważi reali mhux ivvalidata għandha wkoll issir disponibbli faċilment u b'mod sigur għall-klijenti finali mingħajr ħlas ulterjuri, permezz ta' interfaċċja standardizzata jew permezz ta' aċċess remot, bil-għan li jiġu sostnuti l-programmi awtomatizzati tal-effiċjenza tal-enerġija, tar-rispons tad-domanda u servizzi oħra;

(b)

is-sigurtà tas-sistemi ta' kejl intelliġenti u tal-komunikazzjoni tad-data għandha tikkonforma mar-regoli rilevanti dwar is-sigurtà tal-Unjoni, filwaqt li jitqiesu l-aqwa tekniki disponibbli biex jiġi żgurat l-ogħla livell possibbli ta' ħarsien taċ-ċibersigurtà waqt li jitqiesu l-ispejjeż u l-prinċipju ta' proporzjonalità;

(c)

il-protezzjoni tal-privatezza tal-klijenti finali u tad-data tagħhom għandha tikkonforma mar-regoli rilevanti tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza;

(d)

l-operaturi tal-kejl għandhom jiżguraw li l-kejl tal-klijenti attivi li jgħaddu l-elettriku fil-grilja jistgħu ikejlu l-elettriku mgħoddi fil-grilja mill-proprjetà tal-klijenti attivi;

(e)

jekk il-klijenti finali jitolbu hekk, id-data dwar l-elettriku li għaddew fil-grilja u d-data dwar il-konsum tal-elettriku tagħhom għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tagħhom, skont l-atti ta' implimentazzjoni adottati skont l-Artikolu 24, permezz ta' interfaċċja ta' komunikazzjoni standardizzata jew aċċess remot, jew għal parti terza li taġixxi f'isimhom, f'format li jinftiehem faċilment, biex ikunu jistgħu jqabblu offerti li fil-fatt ikunu paragunabbli;

(f)

il-klijenti finali għandhom jingħataw pariri u informazzjoni xierqa qabel jew fil-mument tal-installazzjoni ta' kejl intelliġenti, b'mod partikolari fir-rigward tal-potenzjal sħiħ tagħhom fir-rigward tal-ġestjoni tal-qari tal-miter u l-monitoraġġ tal-konsum tal-enerġija, u dwar il-ġbir u l-ipproċessar tad-data personali f'konformità mar-regoli applikabbli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data;

(g)

is-sistemi tal-kejl intelliġenti għandhom jippermettu li l-klijenti finali jkunu soġġetti għal kejl u tpaċija fl-istess riżoluzzjoni ta' ħin bħal tal-perjodu ta' saldu tal-iżbilanċ fis-suq nazzjonali.

Għall-finijiet tal-punt (e) tal-ewwel subparagrafu, għandu jkun possibbli li l-klijenti finali jaċċessaw d-data dwar il-kejl tagħhom jew li jittrażmettuha lil parti oħra mingħajr ebda ħlas addizzjonali u b'konformità mad-dritt tagħhom ta' portabbiltà tad-data skont ir-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data.

Artikolu 21

Intitolament għal miter intelliġenti

1.   Fejn l-introduzzjoni ta' sistemi ta' kejl intelliġenti tingħata valutazzjoni negattiva b'riżultat tal-valutazzjoni tal-kost-benefiċċji msemmija fl-Artikolu 19(2) u fejn sistemi ta' kejl ma jiġux introdotti b'mod sistematiku, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull klijent finali jkun intitolat fuq talba, filwaqt li jġarrab l-ispejjeż assoċjati, għall-installazzjoni jew, fejn ikun il-każ, għat-titjib, b'kondizzjonijiet ġusti, raġonevoli u kosteffikaċi, ta' miter intelliġenti:

(a)

meta jkun teknikament fattibbli, jkun mgħammar bil-funzjonalitajiet imsemmija fl-Artikolu 20, jew b'sett minimu ta' funzjonalitajiet li għandhom jiġu ddefiniti u ppubblikata mill-Istati Membri fuq livell nazzjonali u skont l-Anness II,

(b)

jkun interoperabbli u kapaċi jwassal il-konnettività mixtieqa tal-infrastruttura tal-kejl mas-sistemi għall-ġestjoni tal-enerġija tal-konsumaturi f'ħin kważi reali.

2.   Fil-kuntest ta' talba tal-klijent għal miter intelliġenti skont il-paragrafu 1, l-Istati Membri jew, fejn l-Istat Membru jkun stipula hekk, l-awtoritajiet kompetenti maħtura, għandhom:

(a)

jiżguraw li l-offerta lill-klijent finali li titlob l-installazzjoni ta' miter intelliġenti tgħid b'mod espliċitu u tiddeskrivi b'mod ċar:

(i)

il-funzjonijiet u l-interoperabbiltà li jistgħu jiġu appoġġati mill-miter intelliġenti u s-servizzi li huma fattibbli kif ukoll il-benefiċċji li jistgħu jinkisbu realistikament permezz ta' miter intelliġenti f'dak il-mument partikolari;

(ii)

kwalunkwe spejjeż assoċjati li jitħallsu mill-klijent finali;

(b)

jiżguraw li jkun installat f'perjodu raġonevoli ta' żmien u mhux aktar tard minn erba' xhur wara t-talba tal-klijent;

(c)

b'mod regolari, u tal-anqas kull sentejn, jirrevedu u jippubblikaw l-ispejjeż assoċjati, u jsegwu l-evoluzzjoni tal-ispejjeż b'riżultat tal-iżviluppi teknoloġiċi u aġġornamenti potenzjali tas-sistema ta' kejl.

Artikolu 22

Kejl konvenzjonali

1.   Meta l-klijenti finali ma jkollhomx miter intelliġenti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti finali jiġu pprovduti b'miters konvenzjonali individwali li jkejlu b'mod preċiż il-konsum reali tagħhom.

2.   L-Istati membri għandhom jiżguraw li l-klijenti finali jkunu jistgħu jaqraw faċilment il-kejl konvenzjonali tagħhom, direttament jew indirettament permezz ta' interfaċċja online jew permezz ta' interfaċċja xierqa oħra.

Artikolu 23

Ġestjoni tad-data

1.   Huma u jistabbilixxu r-regoli dwar il-ġestjoni u l-iskambju tad-data, l-Istati Membri, jew meta l-Istat Membru jkun ippreveda hekk, l-awtoritajiet kompetenti maħtura għandhom jispeċifikaw ir-regoli dwar l-aċċess għad-data tal-klijent finali min-naħa ta' partijiet eleġibbli skont dan l-Artikolu u l-qafas ġuridiku applikabbli tal-Unjoni. Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, id-data għandha tinftiehem li tinkludi data dwar il-kejl u l-konsum kif ukoll data meħtieġa biex il-klijenti jibdlu fornitur, rispons tad-domanda u servizzi oħra.

2.   L-Istati Membri għandhom jorganizzaw il-ġestjoni tad-data sabiex jiżguraw aċċess u skambju effiċjenti u sigur tad-data, kif ukoll protezzjoni tad-data u sigurtà tad-data.

Indipendentement mid-data fil-mudell ta' ġestjoni tad-data applikata f'kull Stat Membru, il-partijiet responsabbli għall-ġestjoni tad-data għandhomjipprovdu aċċess għad-data tal-klijent finali lil kwalunkwe parti eliġibbli skont il-paragrafu 1. Il-partijiet eliġibbli għandu jkollhom id-data rikjesta għad-dispożizzjoni tagħhom b'mod mhux diskriminatorju u simultanjament. L-aċċess għad-data għandu jkun faċli u l-proċeduri rilevanti sabiex jinkiseb aċċess għad-data għandhom ikunu pubblikament disponibbli.

3.   Ir-regoli dwar l-aċċess għad-data u l-ħżin tad-data għall-finijiet ta' din id-Direttiva għandhom jikkonformaw mal-liġi rilevanti tal-Unjoni.

L-ipproċessar tad-data personali fi ħdan il-qafas ta' din id-Direttiva għandu jsir skont ir-Regolament (UE) 2016/679.

4.   L-Istati Membri, jew meta l-Istat Membru jkun stipula hekk, l-awtoritajiet kompetenti deżinjati, għandhom jawtorizzaw u jiċċertifikaw jew, fejn applikabbli, jissorveljaw il-partijiet responsabbli għall-ġestjoni tad-data, biex jiżguraw li dawn jikkonformaw mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva.

Mingħajr preġudizzju għall-kompiti tal-uffiċjali tal-protezzjoni tad-data skont ir-Regolament (UE) 2016/679, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jesiġu li l-partijiet responsabbli għall-ġestjoni tad-data jaħtru uffiċjali ta' konformità li għandhom ikunu responsabbli għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-miżuri meħuda minn dawk il-partijiet biex jiżguraw aċċess mhux diskriminatorju għad-data u l-konformità mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva.

L-Istati Membri jistgħu jaħtru uffiċjali jew il-korpi tal-konformità msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 35(2) ta' din id-Direttiva sabiex jissodisfaw l-obbligi taħt dan il-paragrafu.

5.   Il-klijenti finali m'għandhom jintalbu l-ebda ħlas addizzjonali għall-aċċess għad-data tagħhom jew għal talba biex id-data tagħhom issir disponibbli.

L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli għall-istabbiliment tal-ispejjeż rilevanti għall-aċċess għad-data mill-partijiet eliġibbli.

L-Istati Membri, jew meta jkun ippreveda hekk Stat Membru, l-awtoritajiet kompetenti maħtura, għandhom jiżguraw li kwalunkwe spejjeż imposti minn entitajiet regolati li jipprovdu servizzi tad-data jkunu raġonevoli u debitament iġġustifikati.

Artikolu 24

Rekwiżiti ta' interoperabbiltà u proċeduri għall-aċċess għad-data

1.   Bil-għan li tiġi promossa l-kompetizzjoni fis-suq tal-konsumaturi u biex jiġu evitati spejjeż amministrattivi eċċessivi, l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw l-interoperabbiltà sħiħa tas-servizzi tal-enerġija fl-Unjoni.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, rekwiżiti ta' interoperabbiltà u proċeduri nondiskriminatorji u trasparenti għall-aċċess għad-data msemmija fl-Artikolu 23(1). Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 68(2).

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi tal-elettriku japplikaw ir-rekwiżiti u l-proċeduri ta' interoperabbiltà għall-aċċess għad-data msemmija fil-paragrafi 2. Dawk ir-rekwiżiti u proċeduri għandhom ikunu bbażati fuq prattiki nazzjonali eżistenti.

Artikolu 25

Punti singoli ta' kuntatt

L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni ta' punti singoli ta' kuntatt, sabiex jipprovdu lill-klijenti bl-informazzjoni kollha meħtieġa dwar id-drittijiet tagħhom, il-liġi applikabbli u l-mekkaniżmi ta' riżoluzzjoni ta' tilwim li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom f'każ ta' tilwima. Tali punti ta' kuntatt singoli jistgħu jkunu parti minn punti ta' informazzjoni ġenerali għall-konsumatur.

Artikolu 26

Dritt għar-riżoluzzjoni barra l-qorti ta' tilwim

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti finali jkollhom aċċess għal l-mekkaniżmi barra l-qorti li jkunu sempliċi, ġusti, trasparenti, indipendenti, effikaċi u effiċjenti għar-riżoluzzjoni ta' tilwim fir-rigward tad-drittijiet u l-obbligi stabbiliti skont din id-Direttiva, permezz ta' mekkaniżmu indipendenti bħall-ombudsman tal-enerġija jew korp tal-konsumaturi, jew permezz ta' awtorità regolatorja. Meta klijent finali huwa konsumatur skont it-tifsira tad-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23), tali mekkaniżmi barra l-qorti għar-riżoluzzjoni ta' tilwim għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-kwalità tad-Direttiva 2013/11/UE u għandhom jipprovdu, fejn meħtieġ, għal sistemi ta' rifużjoni u kumpens.

2.   Fejn meħtieġ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet tar-riżoluzzjoni alternattiva ta' tilwim jikkooperaw biex jipprovdu mekkaniżmi barra l-qorti li jkunu sempliċi, ġusti, trasparenti, indipendenti, effikaċi u effiċjenti għar-riżoluzzjoni ta' tilwim, għal kwalunkwe tilwima li tinqala' minn prodotti jew servizzi li huma magħquda ma' kwalunkwe prodott jew servizz li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

3.   Il-parteċipazzjoni tal-impriżi tal-elettriku f'mekkaniżmi barra l-qorti għar-riżoluzzjoni ta' tilwim għal klijenti domestiċi għandha tkun obbligatorja sakemm l-Istat Membru ma jurix lill-Kummissjoni li mekkaniżmi oħra huma ugwalment effettivi.

Artikolu 27

Servizz universali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti domestiċi kollha, u, fejn l-Istati Membri jqisu adatt, l-impriżi ż-żgħar, ikunu jgawdu servizzi universali, jiġifieri d-dritt li jkunu fornuti b'elettriku ta' kwalità speċifikata fit-territorju tagħhom bi prezzijiet kompetittivi, kumparabbli faċilment u b'mod ċar, trasparenti u nondiskriminatorji. Biex ikun żgurat il-forniment ta' servizz universali, l-Istati Membri jistgħu jaħtru fornitur bħala l-aħħar għażla tagħhom. L-Istati Membri għandhom jimponu fuq l-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni l-obbligu li jgħaqqdu lill-klijenti man-netwerk tagħhom skont it-termini, kondizzjonijiet u tariffi li jkunu stabbiliti konformement mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 59(7). Din id-Direttiva ma xxekkilx lill-Istati Membri milli jsaħħu l-pożizzjoni tas-suq tal-klijenti domestiċi u klijenti mhux domestiċi żgħar u ta' daqs medju billi jippromwovu l-possibilitajiet għall-aggregazzjoni volontarja tar-rappreżentanza għal dik il-klassi ta' klijenti.

2.   Il-paragrafu 1 għandu jiġi implimentat b'mod trasparenti u non-diskriminatorju u ma għandux ifixkel l-għażla ħielsa tal-fornitur prevista fl-Artikolu 4.

Artikolu 28

Klijenti vulnerabbli

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri adatti biex jipproteġu lill-klijenti finali, u għandhom jiżguraw, b'mod partikolari, li jkun hemm salvagwardji adegwati biex jipproteġu lill-klijenti vulnerabbli. F'dan il-kuntest, kull Stat Membru għandu jiddefinixxi il-kunċett ta' klijenti vulnerabbli li jista' jirreferi għall-faqar enerġetiku u, fost l-oħrajn, għall-projbizzjoni tal-iskonnessjoni ta' dawn il-klijenti fi żminijiet kritiċi. Il-kunċett ta' klijenti vulnerabbli jista' jinkludi livelli ta' dħul, is-sehem ta' nfiq ta' enerġija tad-dħul disponibbli, l-effiċjenza fl-enerġija tad-djar, id-dipendenza kritika fuq tagħmir elettriku għal raġunijiet ta' saħħa, età jew kriterji oħra. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-drittijiet u l-obbligi marbutin mal-klijenti vulnerabbli jiġu applikati. B'mod partikolari, għandhom jieħdu miżuri biex jipproteġu lill-klijenti f'żoni remoti. Dawn għandhom jiżguraw livelli għolja ta' protezzjoni tal-konsumatur, partikolarment fejn jikkonċerna t-trasparenza dwar termini u kondizzjonijiet kuntrattwali, informazzjoni ġenerali, u mekkaniżmi ta' riżoluzzjoni ta' tilwim.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa, bħalma humali jingħataw benefiċċji permezz tas-sistemi ta' sigurtà soċjali tagħhom biex tiġi żgurata l-provvista neċessarja lill-klijenti vulnerabbli jew tal-appoġġ għat-titjib fuq l-effiċjenza fl-enerġija, biex tindirizza l-faqar enerġetiku meta jiġi identifikat skont il-punt (d) tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) 2018/1999, inkluż fil-kuntest iktar wiesgħa tal-faqar. Tali miżuri m'għandhomx ifixklu l-ftuħ effettiv tas-suq spjegat fl-Artikolu 4 u l-iffunzjonar tas-suq u għandhom jiġu notifikati lill-Kummissjoni, fejn dan ikun rilevanti, skont l-Artikolu 9(4). Tali notifiki jistgħu jinkludu wkoll miżuri li ttieħdu fi ħdan is-sistema ġenerali ta' sigurtà soċjali.

Artikolu 29

Faqar enerġetiku

Meta jiġi vvalutat l-għadd ta' unitajiet domestiċi f'qagħda ta' faqar enerġetiku skont il-punt (d) tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) 2018/1999, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jippubblikaw sett ta' kriterji li jistgħu jinkludu dħul baxx, nefqa għolja tal-introjtu disponibbli fuq l-enerġija u effiċjenza enerġetika baxxa.

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi gwida dwar id-definizzjoni ta' “għadd sinifikanti ta' unitajiet domestiċi f'faqar enerġetiku” f'dan il-kuntest u fil-kuntest tal-Artikolu 5(5), billi titlaq mill-premessa li kwalunkwe proporzjon tal-unitajiet domestiċi fil-faqar enerġetiku jista' jitqies bħala wieħed sinifikanti.

KAPITOLU IV

IT-TĦADDIM TAS-SISTEMA TAD-DISTRIBUZZJONI

Artikolu 30

Il-ħatra tal-operaturi ta' sistemi ta' distribuzzjoni

L-Istati Membri għandhom jaħtru jew għandhom jesiġu minn impriżi li jkunu proprjetarji jew responsabbli ta' sistemi ta' distribuzzjoni li jaħtru, wieħed jew iktar operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni għal perjodu ta' żmien li għandu jiġi determinat mill-Istati Membri, wara li dawn ikunu kkunsidraw l-effiċjenza u l-bilanċ ekonomiku.

Artikolu 31

Il-kompiti ta' operaturi ta' sistemi ta' distribuzzjoni

1.   L-operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni għandu jkun responsabbli li jiżgura l-kapaċità fuq perjodu ta' żmien twil tas-sistema biex tlaħħaq ma' domanda raġjonevoli għad-distribuzzjoni tal-elettriku, għall-operazzjoni, il-manutenzjoni u l-iżvilupp taħt kondizzjonijiet ekonomiċi ta' sistema ta' distribuzzjoni tal-elettriku li tkun tajba, ta' min jafdaha u effiċjenti, partikolarment f'dak li għandu x'jaqsam l-ambjent u l-effiċjenza enerġetika.

2.   Fi kwalunkwe każ, l-operatur tas-sistema ta' distribuzzjoni ma għandux jiddiskrimina bejn utenti tas-sistema jew bejn klassijiet ta' utenti tas-sistema, partikolarment favur l-impriżi relatati tiegħu.

3.   L-operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni għandu jipprovdi lill-utenti tas-sistema bl-informazzjoni li dawn ikunu jeħtieġu għall-aċċess effiċjenti għal, inkluż l-użu, tas-sistema.

4.   Stat Membru jista' jeżiġi li l-operatur ta' sistema ta' distribuzzjoni, fid-dispaċċ ta' installazzjonijiet ta' ġenerazzjoni, jagħti prijorità lil installazzjonijiet ta' ġenerazzjoni li jużaw sorsi rinnovabbli jew li jużaw il-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, f'konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2019/943.

5.   Kull operatur ta' sistema ta' distribuzzjoni għandu jaġixxi bħala faċilitatur tas-suq newtrali fl-akkwist tal-enerġija li juża biex ikopri t-telf fl-enerġijafis-sistema tiegħu skont proċeduri trasparenti, mhux diskriminatorji u bbażati fuq is-suq, fejn dan ikollu tali funzjoni.

6.   Fejn operatur ta' sistema ta' distribuzzjoni jkun responsabbli għall-akkwist ta' prodotti u servizzi meħtieġa għat-tħaddim effiċjenti, affidabbli u sigur tas-sistema ta' distribuzzjoni, ir-regoli adottati mill-operatur tas-sistema ta' distribuzzjoni għal dak l-għan għandhom ikunu oġġettivi, trasparenti, nondiskriminatorji, u għandhom jiġu żviluppati b'koordinazzjoni mal-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni u parteċipanti oħra rilevanti tas-suq. It-termini u l-kondizzjonijiet, inklużi regoli u tariffi fejn dawn ikunu applikabbli, għall-forniment ta' tali prodotti u servizzi lill-operaturi tas-sistemi ta' distribuzzjoni għandhom jiġu stabbiliti konformement mal-Artikolu 59(7) b'mod nondiskriminatorju u li jirrifletti l-ispejjeż u għandhom jiġu ppubblikati.

7.   Fit-twettiq tal-kompiti msemmija fil-paragrafu 6, l-operatur ta' sistema ta' distribuzzjoni għandu jakkwista s-servizzi anċillari mhux tal-frekwenza meħtieġa għas-sistema tiegħu skont proċeduri trasparenti, nondiskriminatorji u bbażati fuq is-suq, sakemm l-awtorità regolatorja ma tkunx qieset li l-forniment ibbażat fuq is-suq ta' servizzi anċillari mhux tal-frekwenza huwa ekonomikament mhux effiċjenti u tkun tat deroga. L-obbligu li jiġu akkwistati servizzi anċillari mhux tal-frekwenza ma japplikax għal komponenti integrati għalkollox tan-netwerk.

8.   L-akkwist tal-prodotti u servizzi msemmija fil-paragrafu 6 għandu jiżgura l-parteċipazzjoni effettiva tal-parteċipanti kollha tas-suq, inkluż parteċipanti tas-suq li joffru enerġija minn sorsi rinnovabbli, parteċipanti tas-suq impenjati fir-rispons tad-domanda, operaturi tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-enerġija u parteċipanti fis-suq involuti fl-aggregazzjoni, b'mod partikolari billi l-awtoritajiet regolatorji u l-operaturi ta' sistemi ta' distribuzzjoni, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-parteċipanti kollha fis-suq, kif ukoll operaturi ta' sistemi ta' trażmissjoni, ikunu meħtieġa jistabbilixxu rekwiżiti tekniċi għall-parteċipazzjoni f'dawk is-swieq abbażi tal-karatteristiċi tekniċi ta' dawk is-swieq u l-kapaċitajiet tal-parteċipanti kollha fis-suq.

9.   L-operaturi ta' sistemi ta' distribuzzjoni għandhom jikkooperaw mal-operaturi ta' sistemi ta' trażmissjoni għall-parteċipazzjoni effettiva tal-parteċipanti fis-suq konnessi mal-grilja tagħhom fis-swieq bl-imnut, bl-ingrossa u ta' bbilanċjar. Il-forniment ta' servizzi ta' bbilanċjar li jirriżultaw minn riżorsi li jinsabu fis-sistema ta' distribuzzjoni għandu jiġi maqbul mal-operatur rilevanti tas-sistema ta' trażmissjoni f'konformità mal-Artikolu 57 tar-Regolament (UE) 2019/943 u l-Artikolu 182 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1485 (24).

10.   L-Istati Membri jew l-awtoritajiet kompetenti maħtura tagħhom jistgħu jippermettu lill-operaturi tas-sistemi ta' distribuzzjoni jwettqu attivitajiet għajr dawk previsti f'din id-Direttiva u fir-Regolament (UE) 2019/943, fejn dawn l-attivitajiet huma meħtieġa biex l-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont din id-Direttiva jew ir-Regolament (UE) 2019/943 dment li l-awtorità regolatorja tkun ivvalutat il-ħtieġa ta' tali deroga. Dan il-paragrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni li jkunu s-sidien ta', jiżviluppaw, jamministraw jew joperaw, netwerks li mhumiex netwerks tal-elettriku fejn l-Istat Membru jew l-awtorità kompetenti maħtura jkunu taw tali dritt.

Artikolu 32

Inċentivi għall-użu ta' flessibbiltà fin-netwerks ta' distribuzzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-qafas regolatorju meħtieġ biex jippermettu u jipprovdu inċentivi lill-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni sabiex jakkwistaw servizzi ta' flessibbiltà, inkluż ġestjoni ta' konġestjoni fl-oqsma tagħhom, biex itejbu l-effiċjenzi tagħhom fit-tħaddim u l-iżvilupp tas-sistema ta' distribuzzjoni. B'mod partikolari, il-qafas regolatorju għandu jiżgura li l-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni jistgħu jakkwistaw tali servizzi mill-fornituri tal-ġenerazzjoni distribwita, ir-rispons tad-domanda jew il-ħżin tal-enerġija u għandu jippromwovi l-adozzjoni ta' miżuri tal-effiċjenza tal-enerġija, meta tali servizzi jtaffu b'mod kost-effiċjenti l-ħtieġa li l-kapaċità tal-elettriku tiġi aġġornata jew sostitwita u jappoġġaw it-tħaddim effiċjenti u sikur tas-sistema ta' distribuzzjoni. L-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni għandhom jakkwistaw tali servizzi skont proċeduri trasparenti, mhux diskriminatorji u bbażati fuq is-suq sakemm l-awtoritajiet regolatorji ma jkunux stabbilixxew li l-akkwist ta' tali servizzi mhuwiex ekonomikament effiċjenti jew li tali akkwist iwassal għal distorsjonijiet serji fis-suq jew għal konġestjoni ogħla.

2.   L-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni, soġġetti għal approvazzjoni mill-awtorità regolatorja, jew mill-awtorità regolatorja nnifisha, għandhom, fi proċess trasparenti u parteċipatorju li jinkludi l-utenti kollha tas-sistema rilevanti u l-operaturi kollha tas-sistema ta' trażmissjoni, jistabbilixxu l-ispeċifikazzjonijiet għas-servizzi ta' flessibbiltà akkwistati u, fejn xieraq, il-prodotti tas-suq standardizzati għal tali servizzi tal-anqas fil-livell nazzjonali. L-ispeċifikazzjonijiet għandhom jiżguraw il-parteċipazzjoni effettiva u nondiskriminatorja għall-parteċipanti kollha fis-suq, inkluż parteċipanti tas-suq li joffru enerġija minn sorsi rinnovabbli, parteċipanti tas-suq impenjati fir-rispons għad-domanda, operaturi tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-parteċipanti fis-suq involuti fl-aggregazzjoni. L-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni għandhom jiskambjaw l-informazzjoni kollha meħtieġa u għandhom jikkoordinaw mal-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni sabiex jiżguraw l-aqwa utilizzazzjoni tar-riżorsi, sabiex jiżguraw it-tħaddim sikur u effiċjenti tas-sistema u sabiex jiffaċilitaw l-iżvilupp tas-suq. L-operaturi tas-sistemi ta' distribuzzjoni għandhom jitħallsu kif xieraq għall-akkwist ta' servizzi bħal dawn biex tippermettilhom jirkupraw tal-anqas l-ispejjeż korrispondenti raġonevoli tagħhom, inkluż l-ispejjeż meħtieġa għat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni u l-ispejjeż tal-infrastruttura.

3.   L-iżvilupp ta' sistemi ta' distribuzzjoni għandu jkun ibbażat fuq pjan ta' żvilupp tan-netwerk trasparenti, li għandu jiġi ppubblikat mill-operaturi tas-sistemi ta' distribuzzjoni kull sentejn u għandu jiġi ppreżentat lill-awtorità regolatorja. Il-pjan ta' żvilupp tan-netwerk għandu jipprovdi trasparenza fuq is-servizzi meħtieġa ta' flessibbiltà fuq terminu ta' żmien medju u fit-tul, u għandu jistabbilixxi l-investimenti ppjanati għall-ħames sa għaxar snin sussegwenti, b'enfasi partikolari fuq l-infrastruttura tad-distribuzzjoni ewlenija li tkun meħtieġa għall-konnessjoni tal-kapaċità ta' ġenerazzjoni ġdida kif ukoll it-tagħbijiet ġodda, inkluż il-punti ta' ċċarġjar ġodda għall-vetturi elettriċi. Il-pjan ta' żvilupp tan-netwerk għandu jinkludi wkoll l-użu tar-rispons tad-domanda, l-effiċjenza tal-enerġija, il-faċilitajiet tal-ħżin tal-enerġija jew riżorsi oħra li l-operatur tas-sistema ta' distribuzzjoni għandu juża bħala alternattiva għall-espansjoni tas-sistema.

4.   L-operaturi ta' sistemi ta' distribuzzjoni għandhom jikkonsultaw l-utenti rilevanti kollha tas-sistemi u lill-operaturi ta' sistemi ta' trażmissjoni rilevanti dwar il-pjan ta' żvilupp tan-netwerk. L-operaturi tas-sistemi ta' distribuzzjoni għandhom jippubblikaw ir-riżultati tal-proċess ta' konsultazzjoni flimkien mal-pjan ta' żvilupp tan-netwerk, u jippreżentaw ir-riżultati tal-konsultazzjoni u l-pjan tal-iżvilupp tan-netwerk lill-awtorità regolatorja. L-awtorità regolatorja tista' titlob emendi għall-pjan.

5.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx l-obbligu msemmi fil-paragrafu 3 għall-impriżi integrati tal-elettriku li jaqdu inqas minn 100 000 klijent konness jew li jaqdu sistemi iżolati żgħar.

Artikolu 33

Integrazzjoni tal-elettromobbiltà fin-netwerk tal-elettriku

1.   Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill (25), l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-qafas regolatorju meħtieġ biex jiffaċilitaw il-konnessjoni ta' punti ta' ċċarġjar pubblikament aċċessibbli u privati man-netwerks ta' distribuzzjoni. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi tas-sistemi ta' distribuzzjoni jikkooperaw fuq bażi mhux diskriminatorja ma' kwalunkwe impriża li tkun is-sid ta', tiżviluppa, topera jew tamministra, punti tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi, inkluż fir-rigward ta' konnessjoni mal-grilja.

2.   L-operaturi tas-sistemi ta' distribuzzjoni ma għandhomx ikunu s-sidien ta', jiżviluppaw, jamministraw jew joperaw, punti tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi, bl-eċċezzjoni ta' operaturi tas-sistemi ta' distribuzzjoni li jkunu s-sidien ta' punti ta' ċċarġjar privati unikament għall-użu tagħhom stess.

3.   B'deroga mill-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni jkunu s-sidien ta', jiżviluppaw, jamministraw jew joperaw, punti tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi, dment li l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin jiġu ssodisfatti:

(a)

partijiet oħra, wara proċedura ta' sejħa għall-offerti miftuħa, trasparenti u nondiskriminatorja, li hija soġġetta għal rieżami u approvazzjoni mill-awtorità regolatorja, ma jkunux ingħataw id-dritt li jkunu s-sidien ta', jiżviluppaw, jamministraw jew joperaw, punti tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi, jew ma jkunux jistgħu joffru dawk is-servizzi bi spejjeż raġonevoli u fil-ħin.

(b)

l-awtorità regolatorja wettqet reviżjoni ex-ante tal-kondizzjonijiet tal-proċedura ta' sejħa għall-offerti skont il-punt (a) u tat l-approvazzjoni tagħha;

(c)

l-operatur tas-sistema ta' distribuzzjoni jopera l-punti tal-iċċarġjar abbażi tal-aċċess għal partijiet terzi skont l-Artikolu 6 u ma jiddiskriminax bejn utenti tas-sistema jew bejn klassijiet ta' utenti tas-sistema, u b'mod partikolari favur l-impriżi relatati tiegħu.

L-awtorità regolatora tista' tfassal linji gwida jew klawżoli ta' akkwist biex tgħin lill-operaturi ta' sistemi ta' distribuzzjoni jiżguraw proċedura ta' sejħa għall-offerti ġusta.

4.   Fejn l-Istati Membri jkunu implimentaw il-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 3, l-Istati Membri jew l-awtoritajiet kompetenti maħtura tagħhom, għandhom minn żmien għal żmien, fuq bażi regolari, jew tal-anqas kull ħames snin, iwettqu konsultazzjoni pubblika biex jerġgħu jivvalutaw l-interess potenzjali ta' partijiet oħra sabiex ikunu s-sidien ta', jiżviluppaw, joperaw jew jamministraw, punti ta' ċċarġjar għall-vetturi elettriċi. Fejn il-konsultazzjoni pubblika tindika li partijiet oħrajn huma kapaċi ikunu s-sidien ta', jiżviluppaw, joperaw jew jamministraw, tali punti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-attivitajiet tal-operaturi tas-sistemi ta' distribuzzjoni f'dan ir-rigward jitwaqqfu gradwalment, soġġett għall-ikkompletar b'suċċess tal-proċedura ta' sejħa għall-offerti msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 3. Bħala parti mill-kondizzjonijiet ta' dik il-proċedura, l-awtoritajiet regolatorji jistgħu jippermettu lill-operatur tas-sistema ta' distribuzzjoni li jirkupra l-valur residwu tal-investiment tiegħu fl-infrastruttura tal-iċċarġjar.

Artikolu 34

Il-kompiti tal-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni fil-ġestjoni tad-data

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-partijiet eliġibbli kollha jkollhom aċċess mhux diskriminatorju għad-data skont termini ċari u ugwali, f'konformità mar-regoli rilevanti dwar il-protezzjoni tad-data. Fi Stati Membri fejn is-sistemi ta' kejl intelliġenti jkunu ġew introdotti skont l-Artikolu 19 u fejn l-operaturi tas-sistemi ta' distribuzzjoni jkunu involuti fil-ġestjoni tad-data, il-programmi ta' konformità kif stabbilit fil-punt (d) tal-Artikolu 35(2) għandhom jinkludu miżuri speċifiċi sabiex l-aċċess diskriminatorju għad-data mill-partijiet eliġibbli jiġi eskluż skont l-Artikolu 23. Meta l-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni ma jkunux soġġetti għall-Artikolu 35(1), (2) jew (3), l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li l-impriżi integrati vertikalment ma jkollhomx aċċess privileġġjat għad-data għat-twettiq tal-attivitajiet ta' provvista tagħhom.

Artikolu 35

Is-separazzjoni tal-operaturi tas-sistemi ta' distribuzzjoni

1.   Meta l-operatur tas-sistema ta' distribuzzjoni jkun parti minn impriża integrata vertikalment, huwa għandu jkun indipendenti minn attivitajiet oħra mhux relatati mad-distribuzzjoni mill-anqas f'termini tal-forma legali tiegħu, l-organizzazzjoni tiegħu u t-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu. Dawn ir-regoli ma għandhomx joħolqu obbligu ta' separazzjoni tas-sjieda tal-assi tal-operatur tas-sistema ta' distribuzzjoni mill-impriża integrata vertikalment.

2.   Addizzjonalment għar-rekwiżiti tal-paragrafu 1, meta l-operatur tas-sistema ta' distribuzzjoni huwa parti minn impriża integrata vertikalment, huwa għandu jkun indipendenti minn attivitajiet oħra mhux relatati mad-distribuzzjoni f'termini tal-organizzazzjoni tiegħu u t-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu. Sabiex jintlaħaq dan, għandhom japplikaw l-kriterji minimi li ġejjin:

(a)

il-persuni responsabbli mill-amministrazzjoni tal-operatur tas-sistema ta' distribuzzjoni ma jistgħux jieħdu sehem fi strutturi tal-kumpanija tal-impriża tal-elettriku integrata responsabbli, direttament jew indirettament, għall-operazzjoni ta' kuljum tal-ġenerazzjoni, it-trażmissjoni u l-provvista tal-elettriku;

(b)

għandhom jittieħdu miżuri adatti biex ikun żgurat li jittieħed kont, b'mod li jkun żgurat li huma kapaċi jaġixxu indipendentement, tal-interessi professjonali tal-persuni responsabbli għall-amministrazzjoni tal-operatur tas-sistema ta' distribuzzjoni;

(c)

l-operatur tas-sistema ta' distribuzzjoni għandu jkollu drittijiet deċiżjonali effettivi, li jkunu indipendenti mill-impriża tal-elettriku integrata, fir-rigward tal-assi meħtieġa biex iħaddem, iżomm jew jiżviluppa n-netwerk. Sabiex jitwettqu dawk il-kompiti, l-operatur tas-sistema ta' distribuzzjoni għandu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu r-riżorsi meħtieġa, inklużi dawk umani, tekniċi, fiżiċi u finanzjarji. Dan ma għandux jipprevjeni l-eżistenza ta' mekkaniżmi ta' koordinazzjoni adatti biex jiġi żgurat li d-drittijiet ta' superviżjoni ekonomika u amministrattiva tal-kumpanija ewlenija fir-rigward tal-qligħ mill-assi, regolati indirettament f'konformità mal-Artikolu 59(7), f'sussidjarja jiġu protetti. B'mod partikolari, dan għandu jippermetti lill-kumpanija ewlenija tapprova l-pjan finanzjarju annwali, jew kwalunkwe strument ekwivalenti, tal-operatur tas-sistema ta' distribuzzjoni u tistabbilixxi limiti globali fuq il-livelli ta' dejn tas-sussidjarja tagħha. Dan ma għandux jippermetti l-kumpanija ewlenija biex tagħti istruzzjonijiet dwar l-operazzjoni ta' kuljum, u lanqas dwar deċiżjonijiet individwali dwar il-bini jew l-immodernizzar tal-linji ta' distribuzzjoni, li ma jkunux jaqbżu t-termini tal-pjan finanzjarju approvat, jew kwalunkwe strument ekwivalenti; u

(d)

l-operatur tas-sistema ta' distribuzzjoni għandu jistabbilixxi programm ta' konformità, li jistabbilixxi miżuri li għandhom jittieħdu biex jiġi żgurat li tkun eskluża mġiba diskriminatorja, u jiżgura li l-osservanza tiegħu tkun adegwatament sorveljata. Il-programm ta' konformità għandu jistabbilixxi l-obbligi speċifiċi tal-impjegati li jilħqu dawn l-għanijiet. Rapport annwali, li jistabbilixxi l-miżuri meħuda, għandu jiġi ppreżentat mill-persuna jew l-entità responsabbli għas-sorveljanza tal-programm ta' konformità, l-uffiċjal għall-konformità tal-operatur tas-sistema ta' distribuzzjoni, lill-awtorità regolatorja msemmija fl-Artikolu 57(1) u għandu jiġi ppubblikat. L-uffiċjal għall-konformità tal-operatur tas-sistema ta' distribuzzjoni għandu jkun kompletament indipendenti u għandu jkollu aċċess għall-informazzjoni kollha neċessarja dwar l-operatur tas-sistema ta' distribuzzjoni u dwar kwalunkwe impriża affiljata sabiex iwettaq il-kompitu tiegħu.

3.   Meta l-operatur tas-sistema ta' distribuzzjoni jifforma parti minn impriża integrata vertikalment, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-attivitajiet tal-operatur tas-sistema ta' distribuzzjoni jiġu ssorveljat minn awtoritajiet regolatorji jew minn korpi oħra kompetenti, sabiex ma jkunx jista' japprofitta ruħu mill-integrazzjoni vertikali tiegħu biex ixekkel il-kompetizzjoni. B'mod partikolari, operaturi ta' sistemi ta' distribuzzjoni integrati vertikalment ma għandhomx, fil-komunikazzjonijiet u l-l-użu tal-marka (branding) tagħhom, joħolqu konfużjoni fir-rigward tal-identità separata tal-fergħa tal-forniment tal-impriża integrata vertikalment.

4.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx il-paragrafi 1, 2 u 3 għal impriżi tal-elettriku integrati li jkunu jservu anqas minn 100 000 klijent konness, jew li jkunu jservu sistemi iżolati żgħar.

Artikolu 36

Sjieda tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-enerġija minn operaturi tas-sistemi ta' distribuzzjoni

1.   L-operaturi tas-sistema tad-distribuzzjoni m'għandhomx ikunu s-sidien ta', jiżviluppaw, jamministraw jew joperaw, faċilitajiet tal-ħżin tal-enerġija.

2.   Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jħallu lill-operaturi tas-sistemi ta' distribuzzjoni jkunu s-sidien ta', jiżviluppaw, jamministraw jew joperaw, faċilitajiet tal-ħżin tal-enerġija, fejn huma jkunu komponenti tan-netwerk integrati għalkollox, dment li l-awtorità regolatorja tkun tat l-approvazzjoni tagħha jew, jew fejn ikunu ssodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

partijiet oħra, wara proċedura ta' sejħa għall-offerti miftuħa, trasparenti u nondiskriminatorja li hija soġġetta għal rieżami u approvazzjoni mill-awtorità regolatorja ma jkunux ingħataw id-dritt li jkunu s-sidien ta', jiżviluppaw, jamministraw jew joperaw, tali faċilitajiet jew ma jkunux jistgħu joffru dawk is-servizzi bi spejjeż raġonevoli u fil-ħin;

(b)

tali faċilitajiet huma meħtieġa biex l-operaturi tas-sistemi ta' distribuzzjoni jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont din id-Direttiva għat-tħaddim effiċjenti, affidabbli u sikur tas-sistema ta' distribuzzjoni u l-faċilitajiet ma jintużawx biex jinxtara jew jinbiegħ l-elettriku fis-swieq tal-elettriku; u

(c)

l-awtorità regolatorja tkun ivvalutat in-neċessità ta' deroga bħal din, u tkun wettqet valutazzjoni tal-proċedura ta' sejħa għall-offerti, inkluż il-kondizzjonijiet ta' dik il-proċedura ta' sejħa għall-offerti, u tat l-approvazzjoni tagħha.

L-awtorità regolatorja tista' tfassal linji gwida jew klawżoli ta' akkwist biex jgħinu lill-operaturi ta' sistemi ta' distribuzzjoni jiżguraw proċedura ta' sejħa għall-offerti ġusta;

3.   L-awtoritajiet regolatorji għandhom iwettqu, f'intervalli regolari jew għall-inqas kull ħames snin, konsultazzjoni pubblika dwar il-faċilitajiet tal-ħżin tal-enerġija eżistenti sabiex jivvalutaw id-disponibbiltà u l-interess potenzjali fl-investiment ta' tali faċilitajiet. Meta l-konsultazzjoni pubblika, kif ivvalutata mill-awtorità regolatorja, tindika li partijiet terzi jistgħu ikunu s-sidien ta', jiżviluppaw, joperaw jew jamministraw, tali faċilitajiet b'mod kosteffikaċi, l-awtorità regolatorja għandha tiżgura li l-attivitajiet tal-operaturi tas-sistemi ta' distribuzzjoni f'dan ir-rigward jitwaqqfu gradwalment fi żmien 18-il xahar. Bħala parti mill-kondizzjonijiet ta' dik il-proċedura, l-awtoritajiet regolatorji jistgħu jippermettu lill-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni li jirċievu kumpens raġonevoli, b'mod partikolari biex jirkupraw il-valur residwu tal-investiment tagħhom fil-faċilitajiet tal-ħżin tal-enerġija.

4.   Il-paragrafu 3 ma għandux japplika la għal komponenti tan-netwerk li huma kompletament integrati u lanqas għall-perjodu tipiku ta' deprezzament tal-faċilitajiet ġodda għall-ħżin tal-batteriji b'deċiżjoni finali dwar l-investiment sal-4 ta' Lulju 2019, dment li tali faċilitajiet għall-ħżin tal-batteriji huma:

(a)

konnessi mal-grilja l-aktar tard sa sentejn wara dan;

(b)

integrati fis-sistema ta' distribuzzjoni;

(c)

jintużaw biss għar-restawr reattiv immedjat tas-sigurtà tan-netwerk f'każ ta' fallimenti fin-netwerk fejn tali miżura ta' restawr tibda immedjatament u jintemm meta l-varar mill-ġdid regolari jkun jista' jsolvi l-kwistjoni; u

(d)

ma jintużawx biex jinxtara jew jinbiegħ l-elettriku fis-swieq tal-elettriku, inkluż l-ibbilanċjar.

Artikolu 37

L-obbligu tal-kunfidenzjalità għall-operaturi tas-sistemi ta' distribuzzjoni

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 55 jew rekwiżit legali ieħor biex tiġi żvelata informazzjoni, l-operatur tas-sistema ta' distribuzzjoni għandu jżomm il-kunfidenzjalità ta' informazzjoni kummerċjalment sensittiva miksuba waqt it-twettiq tan-negozju tiegħu, u għandu jipprevjeni informazzjoni dwar l-attivitajiet tiegħu stess li tista' tkun kummerċjalment vantaġġuża milli tiġi żvelata b'mod diskriminatorju.

Artikolu 38

Sistemi ta' distribuzzjoni magħluqa

1.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li awtoritajiet regolatorji jew awtoritajiet kompetenti oħra jikklassifikaw sistema li tqassam l-elettriku fi ħdan sit ġeografikament imwarrab, li jkun industrijali, kummerċjali jew maqsum, u mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, ma jipprovdix klijenti fi djar bħala sistema ta' distribuzzjoni magħluqa jekk:

(a)

għal raġunijiet tekniċi jew ta' sigurtà speċifiċi, l-operazzjonijiet jew il-proċess ta' produzzjoni tal-utenti ta' dik is-sistema jkunu integrati; jew

(b)

dik is-sistema tqassam l-elettriku l-ewwelnett lill-proprjetarju jew lill-operatur tas-sistema jew lill-impriżi relatati tagħhom.

2.   Is-sistemi ta' distribuzzjoni magħluqa għandhom jitqiesu bħala sistemi ta' distribuzzjoni għall-finijiet ta' din id-Direttiva. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li awtoritajiet regolatorji jeżentaw lill-operatur ta' sistema ta' distribuzzjoni magħluqa minn:

(a)

l-obbligu tal-Artikolu 31(5) u (7) li jakkwista l-enerġija li huwa juża biex ikopri t-telf tal-enerġija u is-servizzi anċillari mhux tal-frekwenza fis-sistema tiegħu skont proċeduri trasparenti, mhux diskriminatorji u bbażati fuq is-suq;

(b)

l-obbligu fl-Artikolu 6(1) li tariffi jew metodoloġiji li fuqhom huwa bbażat il-kalkolu tagħhom jiġu approvati skont l-Artikolu 59(1) qabel id-dħul fis-seħħ;

(c)

ir-rekwiżiti taħt l-Artikolu 32(1) għall-akkwist ta' servizzi ta' flessibbiltà u taħt l-Artikolu 32(3) għall-iżvilupp tas-sistemi tal-operaturi abbażi ta' pjanijiet ta' żvilupp tan-netwerks;

(d)

ir-rekwiżit taħt l-Artikolu 33(2) li ma jkunx is-sid ta', lanqas jiżviluppa, jew jamministra jew jopera, punti tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi; u

(e)

ir-rekwiżit taħt l-Artikolu 36(1) li ma jkunx is-sid ta', lanqas jiżviluppa, jew jamministra jew jopera, faċilitajiet tal-ħżin tal-enerġija.

3.   Meta ssir eżenzjoni hekk kif imsemmi f'paragrafu 2, it-tariffi applikabbli, jew il-metodoloġiji li fuqhom huwa bbażat il-kalkolu tagħhom, għandhom jiġu riveduti u approvati f'konformità mal-Artikolu 59(1) meta ssir talba għal dan minn utent tas-sistema ta' distribuzzjoni magħluqa.

4.   L-użu inċidentali minn numru żgħir ta' djar b'assoċjazzjonijiet ta' impjieg jew simili mal-proprjetarju tas-sistema ta' distribuzzjoni u li jinsabu fiż-żona servita mis-sistema ta' distribuzzjoni magħluqa m'għandux jipprekludi eżenzjoni fl-ambitu tal-paragrafu 2 l-għoti ta' dawn l-eżenzjonijiet.

Artikolu 39

Operatur ikkombinat

L-Artikolu 35(1) ma għandux jipprevjeni l-operazzjoni ta' operatur ta' sistema tat-trażmissjoni u sistema ta' distribuzzjoni kombinati, sakemm l-operatur jikkonforma mal-Artikolu 43(1), l-Artikoli 44 u 45, jew it-Taqsima 3 tal-Kapitolu VI, jew sakemm l-operatur jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 66(3).

KAPITOLU V

REGOLI ĠENERALI APPLIKABBLI GĦAL OPERATURI TA' SISTEMI TAT-TRAŻMISSJONI

Artikolu 40

Il-kompiti tal-operaturi ta' sistemi tat-trażmissjoni

1.   Kull operatur ta' sistema tat-trażmissjoni għandu jkun responsabbli biex:

(a)

jiżgura l-kapaċità fit-tul tas-sistema li tlaħħaq ma' domandi raġonevoli għat-trażmissjoni tal-elettriku, l-operazzjoni, il-manutenzjoni u l-iżvilupp taħt kondizzjonijiet ekonomiċi sistemi ta' trażmissjoni siguri, affidabbli u effiċjenti b'kont dovut għall-ambjent, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni u operaturi ta' sistemi tad-distribuzzjoni ġirien;

(b)

jiżgura l-mezzi adegwati biex jissodisfa l-obbligi tiegħu;

(c)

jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-provvista permezz ta' kapaċità ta' trażmissjoni adegwata u affidabbiltà tas-sistema;

(d)

jamministra l-flussi ta' enerġija fuq is-sistema, b'kont meħud ta' skambji ma' sistemi interkonnessi oħra. Għal dak il-għan, l-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni għandu jkun responsabbli biex jiżgura sistema tal-elettriku sigura, affidabbli u effiċjenti u, f'dak il-kuntest, biex jiżgura d-disponibbiltà tas-servizzi anċillari kollha neċessarji, inklużi dawk provduti minn faċilitajiet ta' rispons tad-domanda u ħżin tal-enerġija, kemm-il darba din id-disponibbiltà tkun waħda indipendenti minn sistemi tat-trażmissjoni oħrajn li magħhom is-sistema tiegħu tkun interkonnessa;

(e)

jipprovdi lill-operatur ta' sistemi oħra li magħhom is-sistema tiegħu tkun interkonnessa, informazzjoni biżżejjed biex jiżgura l-operazzjoni sigura u effiċjenti, l-iżvilupp koordinat u l-interoperabilità tas-sistema interkonnessa;

(f)

jiżgura li ma jkunx hemm diskriminazzjoni bejn l-utenti tas-sistema jew bejn klassijiet ta' utenti tas-sistema, b'mod partikolari favur l-impriżi relatati tiegħu;

(g)

jipprovdi lill-utenti ta' sistema bl-informazzjoni li jeħtieġu għal aċċess effiċjenti għas-sistema;

(h)

il-ġbir ta' kirjiet u pagamenti ta' konġestjoni skont il-mekkaniżmu ta' kumpens tal-operatur tas-sistema ta' inter-trażmissjoni, skont l-Artikolu 49 tar-Regolament (UE) 2019/943, li jagħti u jimmaniġġja l-aċċess għall-partijiet terzi u l-għoti ta' spjegazzjonijiet raġunati meta dan l-aċċess ikun miċħud, li għandu jkun immonitorjat mill-awtoritajiet regolatorji; meta jwettqu d-dmirijiet tagħhom skont dan l-Artikolu, l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni għandhom jiffaċilitaw primarjament l-integrazzjoni tas-suq;

(i)

jakkwista servizzi anċillari biex tiġi żgurata s-sigurtà operazzjonali;

(j)

jadotta qafas għall-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali;

(k)

jipparteċipa fl-istabbiliment tal-valutazzjonijiet Ewropej u nazzjonali tal-adegwatezza tar-riżorsi skont il-Kapitolu IV tar-Regolament (EU) 2019/943;

(l)

id-diġitalizzazzjoni tas-sistemi ta' trażmissjoni;

(m)

il-ġestjoni tad-data, inkluż l-iżvilupp ta' sistemi ta' ġestjoni tad-data, is-ċibersigurtà u l-protezzjoni tad-data, soġġett għar-regoli applikabbli, u mingħajr preġudizzju għall-kompetenza ta' awtoritajiet oħra.

2.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li waħda jew diversi responsabbiltajiet elenkati fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jiġu assenjati lil operatur tas-sistema tat-trażmissjoni għajr dak li jkun is-sid tas-sistema tat-trażmissjoni li kieku għaliha jkunu applikabbli r-responsabbiltajiet ikkonċernati. L-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni li l-kompiti huma assenjati lilu għandu jkun ċertifikat taħt is-separazzjoni tas-sjieda, l-operatur indipendenti tas-sistema jew il-mudell tal-operatur indipendenti tas-sistema ta' trażmissjoni, u jissodisfa r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 43, iżda m'għandux ikun meħtieġ ikun is-sid tas-sistema tat-trażmissjoni li għaliha huwa jkun responsabbli.

L-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni li jkun is-sid tas-sistema tat-trażmissjoni għandu jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fil-Kapitolu VI u għandu jkun ċertifikat f'konformità mal-Artikolu 43. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li operaturi ta' sistemi ta' trażmissjoni li huma ċċertifikati bħala s-sjieda separata, l-operaturi indipendenti ta' sistema jew il-mudell tal-operatur indipendenti tas-sistema ta' trażmissjoni li jiddelegaw fuq inizjattiva tagħhom stess u taħt is-superviżjoni tagħhom ċerti kompiti lil operaturi oħra ta' sistemi ta' trażmissjoni li huma ċertifikati taħt is-separazzjoni tas-sjieda, l-operaturi indipendenti ta' sistema jew il-mudell tal-operatur indipendenti tas-sistema ta' trażmissjoni meta dik id-delega ta' kompiti ma tipperikolax id-drittijiet deċiżjonali effettivi u indipendenti tal-operatur ta' sistema ta' trażmissjoni li jkun qiegħed jiddelega.

3.   Fit-twettiq tal-kompiti msemmija fil-paragrafu 1, l-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni għandom iqisu r-rakkomandazzjonijiet maħruġa miċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali.

4.   Fit-twettiq tal-kompitu imsemmija fil-punt (i) tal-paragrafu 1, l-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni għandhom jakkwistaw servizzi ta' bbilanċjar soġġett għal dan li ġej:

(a)

proċeduri trasparenti, mhux diskriminatorju u bbażat fis-suq;

(b)

il-parteċipazzjoni tal-impriżi tal-elettriku kwalifikati u l-parteċipanti kollha fis-suq, inkluż il-parteċipanti tas-suq li joffru enerġija mis-sorsi rinnovabbli, parteċipanti tas-suq impenjati fir-rispons għad-domanda, operaturi tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-parteċipanti fis-suq involuti fl-aggregazzjoni.

Għall-iskop tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, l-awtoritajiet regolatorji u operaturi ta' sistemi ta' trażmissjoni għandhom jistabbilixxu, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-parteċipanti kollha fis-suq, jistabbilixxu rekwiżiti tekniċi għall-parteċipazzjoni f'dawk is-swieq abbażi tal-karatteristiċi tekniċi ta' dawk is-swieq.

5.   Il-paragrafu 4 għandu japplika għad-dispożizzjoni tas-servizzi anċillari mhux tal-frekwenza minn operaturi ta' sistemi ta' trażmissjoni, sakemm l-awtorità regolatorja ma tkunx qieset li l-forniment ibbażat fuq is-suq ta' servizzi anċillari mhux tal-frekwenza huwa ekonomikament mhux effiċjenti u tkun tat deroga. B'mod partikolari, il-qafas regolatorju għandu jiżgura li l-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni jistgħu jakkwistaw tali servizzi mill-fornituri tar-rispons tad-domanda jew mill-ħżin tal-enerġija u għandu jippromwovi t-teħid ta' miżuri tal-effiċjenza enerġetika, meta tali servizzi jnaqqsu b'mod kost-effiċjenti l-ħtieġa li l-kapaċità tal-elettriku tiġi aġġornata jew sostitwita u jappoġġaw it-tħaddim effiċjenti u sikur tas-sistema ta' trażmissjoni.

6.   L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni, soġġetti għal approvazzjoni tal-awtorità regolatorja, jew mill-awtorità regolatorja nnifisha, għandhom, permezz ta' proċess trasparenti u parteċipatorju li jinkludi lill-utenti kollha rilevanti tas-sistema u l-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni, jistabbilixxu l-ispeċifikazzjonijiet għas-servizzi anċillari mhux frekwenti miksuba u, fejn xieraq, il-prodotti tas-suq standardizzati għal dawn is-servizzi, tal-inqas fil-livell nazzjonali. L-ispeċifikazzjonijiet għandhom jiżguraw il-parteċipazzjoni effettiva u nondiskriminatorja għall-parteċipanti kollha fis-suq, inkluż parteċipanti fis-suq li joffru enerġija mis-sorsi rinnovabbli, parteċipanti tas-suq impenjati fir-rispons għad-domanda, operaturi tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-parteċipanti fis-suq involuti fl-aggregazzjoni. L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jiskambjaw l-informazzjoni kollha meħtieġa u għandhom jikkoordinaw mal-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni sabiex jiżguraw l-aqwa utilizzazzjoni tar-riżorsi, sabiex jiżguraw it-tħaddim sikur u effiċjenti tas-sistema u sabiex jiffaċilitaw l-iżvilupp tas-suq. L-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni għandhom jitħallsu kif xieraq għall-akkwist ta' servizzi bħal dawn biex ikunu jistgħu jirkupraw tal-anqas l-ispejjeż korrispondenti raġonevoli, inkluż l-ispejjeż meħtieġa għat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni u l-ispejjeż tal-infrastruttura.

7.   L-obbligu li jiġu akkwistati servizzi anċillari mhux tal-frekwenza msemmi fil-paragrafu 5 ma japplikax għal komponenti integrati għalkollox tan-netwerk.

8.   L-Istati Membri, jew l-awtoritajiet kompetenti maħtura tagħhom, jistgħu jippermettu lill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni jwettqu attivitajiet minbarra dawk stipulati f'din id-Direttiva u fir-Regolament (UE) 2019/943 fejn dawn l-attivitajiet ikunu meħtieġa għall-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom fl-ambitu ta' din id-Direttiva jew ir-Regolament (UE) 2019/943, dment li l-awtorità regolatorja tkun ivvalutat il-ħtieġa ta' tali deroga. Dan il-paragrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni li jkunu s-sidien ta', jiżviluppaw, jamministraw jew joperaw, netwerks oħra minbarra netwerks tal-elettriku fejn l-Istat Membru jew l-awtorità kompetenti maħtura tkun tat tali dritt.

Artikolu 41

Rekwiżiti tal-kunfidenzjalità u t-trasparenza għall-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni u sidien tas-sistemi ta' trażmissjoni

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 55 jew dmir legali ieħor biex tiġi żvelata informazzjoni, l-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni u kull proprjetarju ta' sistema tat-trażmissjoni għandhom iżommu l-kunfidenzjalità ta' informazzjoni kummerċjalment sensittiva miksuba waqt it-twettiq tan-negozju tagħhom, u għandhom jipprevjenu li informazzjoni dwar l-attivitajiet tagħhom stess li tista' tkun kummerċjalment vantaġġuża tiġi żvelata b'mod diskriminatorju. B'mod partikolari, huma m'għandhomx jiżvelaw informazzjoni kummerċjalment sensittiva lill-partijiet l-oħra tal-impriża, sakemm tali żvelar ma jkunx neċessarju għat-twettiq ta' tranżazzjoni kummerċjali. Sabiex tkun żgurata l-osservanza sħiħa tar-regoli dwar is-separazzjoni tal-informazzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proprjetarju tas-sistema tat-trażmissjoni ma jużax servizzi konġunti, bħal servizz legali konġunt, apparti funzjonijiet purament amministrattivi jew tal-IT.

2.   L-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni ma għandhomx, fil-kuntest ta' bejgħ jew ta' xiri tal-elettriku minn impriżi relatati, jużaw b'mod skorrett informazzjoni kummerċjalment sensittiva miksuba minn partijiet terzi fil-kuntest tal-għoti jew tan-negozjar tal-aċċess għas-sistema.

3.   L-informazzjoni neċessarja għal kompetizzjoni effettiva u għal tħaddim effiċjenti tas-suq għandha tkun ippubblikata. Dak l-obbligu għandu jitwettaq mingħajr preġudizzju għall-preservazzjoni tal-kunfidenzjalità ta' informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

Artikolu 42

Setgħat ta' teħid ta' deċiżjonijiet rigward il-konnessjoni ta' installazzjonijiet ta' ġenerazzjoni ġdida u faċilitajiet tal-ħżin tal-enerġija mas-sistema tat-trażmissjoni

1.   L-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni għandu jistabbilixxi u jippubblika proċeduri trasparenti u effiċjenti għall-konnessjoni nondiskriminatorja ta' installazzjonijiet ta' ġenerazzjoni ġdida u faċilitajiet tal-ħżin tal-enerġija mas-sistema tat-trażmissjoni. Dawk il-proċeduri għandhom ikunu soġġetti għal approvazzjoni tal-awtoritajiet regolatorji.

2.   L-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni ma għandux ikun intitolat li jirrifjuta l-konnessjoni ta' installazzjoni ta' ġenerazzjoni ġdida jew faċilità tal-ħżin tal-enerġija għal raġunijiet ta' limitazzjonijiet possibbli futuri fil-kapaċitajiet tan-netwerk disponibbli, bħal konġestjoni f'partijiet 'il bogħod tas-sistema tat-trażmissjoni. L-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni għandu jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa.

L-ewwel subparagrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li operaturi ta' sistemi ta' trażmissjoni jillimitaw il-kapaċità ta' konnessjoni garantita jew li joffru konnessjonijiet soġġett għal-limitazzjonijiet operazzjonali, biex tiġi żgurata effiċjenza ekonomika fir-rigward ta' installazzjonijiet ta' ġenerazzjoni ġodda jew faċilitajiet tal-ħżin tal-enerġija ġodda, dment li tali limitazzjonijiet ġew approvati mill-awtorità regolatorja. L-awtorità regolatorja għandha tiżgura li kwalunkwe limitazzjoni f'kapaċità ta' konnessjoni garantita jew limitazzjoni operazzjonali għandha tkun introdotta abbażi ta' proċeduri trasparenti u nondiskriminatorji u ma joħolqux ostakli bla bżonn għad-dħul fis-suq. Meta l-installazzjoni ta' ġenerazzjoni jew il-faċilità ta' ħżin tal-enerġija jġarrbu l-ispejjeż relatati mal-iżgurar ta' konnessjoni bla limitu, ma għandha tapplika l-ebda limitazzjoni.

3.   L-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni ma għandux ikun intitolat li jirrifjuta punt ġdid għal raġunijiet ta' aktar spejjeż bħala riżultat taż-żieda neċessarja ta' kapaċità tal-elementi tas-sistema fil-qrib tal-punt tal-konnessjoni.

KAPITOLU VI

SEPARAZZJONI TAL-OPERATURI TAS-SISTEMI TAT-TRAŻMISSJONI

Taqsima 1

Separazzjoni tas-sjieda

Artikolu 43

Separazzjoni tas-sjieda tas-sistemi ta' trażmissjoni u tal-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)

kull impriża li tkun proprjetarja ta' sistema tat-trażmissjoni tagħha taġixxi bħala operatur tas-sistema tat-trażmissjoni;

(b)

l-istess persuna jew persuni mhumiex intitolati:

(i)

li direttament jew indirettament jeżerċitaw kontroll fuq impriża li twettaq kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet ta' ġenerazzjoni jew provvista, u li direttament jew indirettament jeżerċitaw kontroll jew jeżerċitaw kwalunkwe dritt fuq operatur tas-sistema tat-trażmissjoni jew fuq sistema tat-trażmissjoni; jew

(ii)

li direttament jew indirettament jeżerċitaw kontroll fuq operatur tas-sistema tat-trażmissjoni jew fuq sistema tat-trażmissjoni, u li direttament jew indirettament jeżerċitaw kontroll jew jeżerċitaw kwalunkwe dritt fuq impriża li twettaq kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet ta' ġenerazzjoni jew provvista;

(c)

l-istess persuna jew persuni mhumiex intitolati jaħtru membri tal-bord ta' sorveljanza, tal-bord amministrattiv jew ta' korpi li legalment jirrappreżentaw l-impriża, ta' operatur tas-sistema tat-trażmissjoni jew tas-sistema tat-trażmissjoni, u li direttament jew indirettament jeżerċitaw kontroll jew jeżerċitaw kwalunkwe dritt fuq impriża li twettaq kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet ta' ġenerazzjoni jew ta' provvista; u

(d)

l-istess persuna mhix intitolata tkun membru tal-bord ta' sorveljanza, tal-bord amministrattiv jew ta' korpi li legalment jirrappreżentaw l-impriża, kemm ta' impriża li twettaq kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet ta' ġenerazzjoni jew ta' provvista u operatur ta' sistema tat-trażmissjoni jew ta' sistema tat-trażmissjoni.

2.   Id-drittijiet imsemmija fil-punti (b) u (c) tal-paragrafu 1 għandhom jinkludu, b'mod partikolari:

(a)

is-setgħa tal-eżerċizzju tad-drittijiet ta' votazzjoni;

(b)

is-setgħa għall-ħatra tal-membri tal-bord superviżorju, tal-bord amministrattiv jew tal-entitajiet li jirrappreżentaw l-impriżi b'mod legali; jew

(c)

iż-żamma ta' sehem ta' maġġoranza.

3.   Għall-finijiet tal-punt (b) tal-paragrafu 1, in-nozzjoni ta' “impriża li twettaq kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet ta' ġenerazzjoni jew provvista” għandha tinkludi “impriża li twettaq kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet ta' produzzjoni u provvista” fis-sens tad-Direttiva 2009/73/KE, u t-termini “operatur ta' sistema tat-trażmissjoni” u “sistema tat-trażmissjoni” għandhom jinkludu “operatur ta' sistema tat-trażmissjoni” u “sistema tat-trażmissjoni” fis-sens ta' dik id-Direttiva.

4.   L-obbligu stipulat fil-punt (a) tal-paragrafu 1 għandu jitqies sodisfatt f'sitwazzjoni fejn żewġ impriżi jew aktar li jkunu l-proprjetarji ta' sistemi ta' trażmissjoni joħolqu impriża konġunta li taġixxi ta' operatur tas-sistema tat-trażmissjoni f'żewġ Stati Membri jew aktar għas-sistemi ta' trażmissjoni kkonċernati. L-ebda impriża oħra ma tista' tkun parti minn din l-impriża konġunta, sakemm ma tkunx ġiet approvata taħt l-Artikolu 44 bħala operatur indipendenti tas-sistema jew bħala operatur indipendenti tat-trażmissjoni għall-finijiet tat-Taqsima 3.

5.   Għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu, fejn il-persuna msemmija fil-punti (b), (c) u (d) tal-paragrafu 1 hija l-Istat Membru jew entità pubblika oħra, żewġ entitajiet pubbliċi separati li jeżerċitaw kontroll, minn naħa waħda, fuq operatur tas-sistema tat-trażmissjoni jew fuq sistema tat-trażmissjoni u, min-naħa l-oħra, fuq impriża li twettaq kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet ta' ġenerazzjoni jew provvista, għandhom jitqiesu bħala l-istess persuna jew l-istess persuni.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li la l-informazzjoni kummerċjalment sensittiva msemmija fl-Artikolu 41 miżmuma minn operatur tas-sistema tat-trażmissjoni li kienet tagħmel parti minn impriża integrata vertikalment u lanqas il-persunal ta' tali operatur tas-sistema tat-trażmissjoni ma jiġu trasferiti lil impriżi li jwettqu kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet ta' ġenerazzjoni u ta' provvista.

7.   Fejn, fit-3 ta' Settembru 2009, is-sistema tat-trażmissjoni tkun il-proprjetà ta' impriża integrata vertikalment, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx il-paragrafu 1.

F'tali każ, l-Istati Membri konċernati għandhom jew:

(a)

jaħtru operatur tas-sistema indipendenti taħt l-Artikolu 44; jew

(b)

jikkonformaw mat-Taqsima 3.

8.   Fejn, fit-3 ta' Settembru 2009, is-sistema tat-trażmissjoni tkun il-proprjetà ta' impriża integrata vertikalment u hemm arranġamenti fil-post li jiggarantixxu aktar indipendenza effettiva tal-operatur ta' sistema tat-trażmissjoni mit-Taqsima 3, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx il-paragrafu 1.

9.   Qabel ma impriża tkun approvata u maħtura bħala operatur tas-sistema tat-trażmissjoni skont il-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu, hija għandha tkun ċertifikata konformement mal-proċeduri stabbiliti fl-Artikoli 52(4), (5) u (6) ta' din id-Direttiva u fl-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) 2019/943, skont liema l-Kummissjoni għandha tivverifika li l-arranġamenti fis-seħħ jiggarantixxu b'mod ċar iżjed l-indipendenza effettiva tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni milli t-Taqsima 3 ta' dan il-Kapitolu.

10.   Impriżi integrati vertikalment li huma proprjetarji ta' sistema tat-trażmissjoni fl-ebda każ ma għandhom jiġu mċaħħda milli jieħdu passi biex jikkonformaw mal-paragrafu 1.

11.   L-impriżi li jwettqu kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet ta' ġenerazzjoni jew provvista ma għandhom fl-ebda każ ikunu jistgħu jieħdu kontroll ta' jew jeżerċitaw direttament jew indirettament kwalunkwe dritt fuq operaturi ta' sistema tat-trażmissjoni li ġiet separata fl-Istati Membri li japplikaw il-paragrafu 1.

Taqsima 2

Operatur ta' sistema indipendenti

Artikolu 44

Operatur ta' sistema indipendenti

1.   Fejn is-sistema tat-trażmissjoni tkun il-proprjetà ta' impriża integrata vertikalment fit-3 ta' Settembru 2009, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx l-Artikolu 43(1) u jaħtru operatur ta' sistema indipendenti fuq proposta mill-proprjetarju tas-sistema tat-trażmissjoni. Din il-ħatra għandha tkun suġġetta għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni.

2.   L-Istat Membru jista' japprova u jaħtar biss operatur ta' sistema indipendenti, dment li:

(a)

l-operatur kandidat wera li jikkonforma mar-rekwiżiti msemmija fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 43(1);

(b)

l-operatur kandidat ikun wera li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu r-riżorsi finanzjarji, tekniċi, fiżiċi u umani meħtieġa biex iwettaq il-kompiti tiegħu taħt l-Artikolu 40;

(c)

l-operatur kandidat ikun intrabat li jikkonforma ma' pjan, għall-operatur indipendenti tas-sistema, ta' għaxar snin għall-iżvilupp tan-network b'sorveljanza mill-awtorità regolatorja;

(d)

il-proprjetarju tas-sistema tat-trażmissjoni jkun wera l-abbiltà tiegħu li jikkonforma mal-obbligi tiegħu konformement mal-paragrafu 5. Għal dak l-għan, għandu jipprovdi abbozz tal-arranġamenti kuntrattwali kollha mal-operatur kandidat u ma' kwalunkwe entità oħra rilevanti; u

(e)

l-operatur kandidat wera l-abilità tiegħu li jikkonforma mal-obbligi tiegħu skont ir-Regolament (UE) 2019/943, inklużi l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni fil-livell Ewropew u reġjonali.

3.   L-impriżi li jkunu ġew ċertifikati mill-awtorità regolatorja bħala konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 53 u tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu approvati u maħtura bħala operaturi tas-sistema indipendenti mill-Istati Membri. Għandha tkun applikabbli l-proċedura ta' ċertifikazzjoni fl-Artikolu 52 ta' din id-Direttiva u fl-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) 2019/943 jew fl-Artikolu 53 ta' din id-Direttiva.

4.   Kull operatur ta' sistema indipendenti għandu jkun responsabbli mill-għoti u mill-amministrazzjoni tal-aċċess minn terzi, inkluż il-ġbir ta' tariffi tal-aċċess, kirjiet għall-konġestjoni, u ħlasijiet konformement mal-mekkaniżmu ta' kumpens għal operatur tas-sistema ta' inter-trażmissjoni skont l-Artikolu 49 tar-Regolament (UE) 2019/943, kif ukoll għall-operat, il-manutenzjoni u l-iżvilupp tas-sistema ta' trażmissjoni, u għall-iżgurar tal-kapaċità għaż-żmien fit-tul tas-sistema biex tiltaqa' ma' domanda raġonevoli permezz ta' ppjanar tal-investimenti. Fl-iżvilupp tas-sistema tat-trażmissjoni, l-operatur tas-sistema indipendenti għandu jkun responsabbli għall-ippjanar (inkluża l-proċedura tal-awtorizzazzjoni), il-bini, u l-kuntrattar tal-infrastruttura l-ġdida. Għal dan il-għan, l-operatur ta' sistema indipendenti għandu jaġixxi bħala operatur tas-sistema tat-trażmissjoni f'konformità ma' din it-Taqsima. Il-proprjetarji tas-sistema tat-trażmissjoni ma għandhomx ikunu responsabbli għall-approvazzjoni u l-ġestjoni ta' aċċess mill-partijiet terzi, u lanqas għall-ippjanar tal-investiment.

5.   Meta jinħatar operatur ta' sistema indipendenti, il-proprjetarju tas-sistema tat-trażmissjoni għandu:

(a)

jipprovdi l-kooperazzjoni u l-appoġġ kollha rilevanti lill-operatur tas-sistema indipendenti għat-twettiq tal-kompiti tiegħu, inkluż b'mod partikolari t-tagħrif kollu rilevanti;

(b)

jiffinanzja l-investimenti deċiżi mill-operatur tas-sistema indipendenti u approvati mill-awtorità regolatorja, jew jaċċetta li jiġu ffinanzjati minn kwalunkwe parti interessata, inkluż l-operatur tas-sistema indipendenti. L-arranġamenti finanzjarji rilevanti għandhom ikunu soġġetti għall-approvazzjoni mill-awtorità regolatorja. Qabel din l-approvazzjoni, l-Awtorità Regolatorja għandha tikkonsulta l-proprjetarju tas-sistema tat-trażmissjoni flimkien ma' partijiet interessati oħra;

(c)

tipprovdi għall-kopertura tar-responsabbiltà li tikkonċerna l-assi tan-netwerk, eskluża r-responsabbiltà marbuta mal-kompiti tal-operatur tas-sistema indipendenti; u

(d)

tipprovdi garanziji biex jiġi ffaċilitat il-finanzjament ta' kwalunkwe espansjonijiet tan-netwerk bl-eċċezzjoni ta' dawk l-investimenti fejn, konformement mal-punt (b), jkun ta l-approvazzjoni tiegħu għal finanzjament minn kwalunkwe parti interessata, inkluż l-operatur tas-sistema indipendenti.

6.   F'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtorità regolatorja, l-awtorità nazzjonali rilevanti fuq il-kompetizzjoni għandha tingħata s-setgħat kollha rilevanti sabiex tissorvelja b'mod effikaċi il-konformità tal-proprjetarju tas-sistema tat-trażmissjoni mal-obbligi tiegħu konformement mal-paragrafu 5.

Artikolu 45

Separazzjoni tal-proprjetarji ta' sistemi ta' trażmissjoni

1.   Proprjetarju ta' sistema tat-trażmissjoni, fejn operatur ta' sistema indipendenti jkun inħatar, li jkun parti minn impriżi integrati vertikalment, għandu jkun indipendenti, għall-anqas f'termini tal-forma ġuridika tiegħu, fl-organizzazzjoni u t-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu, minn attivitajiet oħrajn li ma jkunux relatati mat-trażmissjoni.

2.   Sabiex tiġi aċċertata l-indipendenza tal-proprjetarju tas-sistema tat-trażmissjoni imsemmi fil-paragrafu 1, għandhom japplikaw l-kriterji minimi li ġejjin:

(a)

il-persuni responsabbli għall-amministrazzjoni tal-proprjetarju tas-sistema tat-trażmissjoni ma għandhomx jieħdu sehem fl-istrutturi tal-kumpaniji tal-impriża integrata tal-elettriku li hija responsabbli, direttament jew indirettament, għall-operat ta' kuljum tal-ġenerazzjoni, id-distribuzzjoni u l-provvista tal-elettriku;

(b)

għandhom jittieħdu miżuri xierqa biex jiġi aċċertat li l-interessi professjonali tal-persuni responsabbli għall-amministrazzjoni tal-proprjetarju tas-sistema tat-trażmissjoni jitqiesu b'mod li jiżgura li huma kapaċi li jaġixxu b'mod indipendenti; u

(c)

il-proprjetarju tas-sistema tat-trażmissjoni għandu jfassal programm ta' konformità, li jistabbilixxi l-miżuri meħuda biex ikun żgurat li ma jkun hemm l-ebda kondotta diskriminatorja, u biex ikun żgurat li l-ħarsien ta' dan il-programm ikun issorveljat b'mod adatt. Il-programm ta' konformità għandu jistabbilixxi l-obbligi speċifiċi tal-impjegati li jilħqu dawk l-għanijiet. Rapport ta' kull sena, li jindika l-miżuri li jkunu ttieħdu, għandu jingħata mill-persuna jew korp responsabbli għas-sorveljanza tal-programm ta' konformità lill-awtorità regolatorja u għandu jiġi ppubblikat.

Taqsima 3

Operaturi ta' sistemi tat-trażmissjoni independenti

Artikolu 46

L-assi, it-tagħmir, il-persunal u l-identità

1.   L-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni għandhom ikunu mgħammra bir-riżorsi umani, tekniċi, fiżiċi u finanzjarji kollha biex jaqdu l-obbligi tagħhom taħt din id-Direttiva u jwettqu l-attività ta' trażmissjoni tal-elettriku, partikolarment:

(a)

assi li huma meħtieġa għall-attività ta' trażmissjoni tal-elettriku, inkluża s-sistema tat-trażmissjoni, għandhom ikunu l-proprjetà ta' operatur tas-sistema tat-trażmissjoni;

(b)

persunal, meħtieġ għall-attività ta' trażmissjoni tal-elettriku, inkluż il-prestazzjoni tal-kompiti korporattivi, għandu jiġi impjegat mill-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni;

(c)

il-leasing ta' persunal u l-għoti ta' servizzi, lil u minn kwalunkwe parti oħra tal-impriża integrata vertikalment għandha tiġi pprojbita. Madankollu dan ma għandux jipprevjeni l-operatur ta' sistema tat-trażmissjoni milli jagħti servizzi lill-impriża integrata vertikalment, dment li:

(i)

il-provvista ta' dawn is-servizzi ma tiddiskriminax bejn l-utenti tas-sistema, tkun disponibbli lil utenti kollha tas-sistema fuq l-istess termini u kondizzjonijiet u ma tirrestrinġix, tgħawweġ jew tipprevjeni kompetizzjoni fil-produzzjoni jew il-provvista; u

(ii)

it-termini u l-kondizzjonijiet tal-provvista ta' dawn is-servizzi huma approvati mill-awtorità regolatorja;

(d)

mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet tal-Korp ta' Sorveljanza taħt l-Artikolu 49, riżorsi finanzjarji xierqa għal proġetti futuri ta' investiment u/jew għas-sostituzzjoni ta' assi eżistenti għandhom ikunu disponibbli għall-operatur ta' sistema tat-trażmissjoni fiż-żmien dovut mill-impriża integrata vertikalment wara talba adatta mill-operatur ta' sistema tat-trażmissjoni.

2.   L-attività tat-trażmissjoni tal-elettriku għandha għall-anqas tinkludi l-kompiti li ġejjin flimkien ma' dawk elenkati fl-Artikolu 40:

(a)

rappreżentanza tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni u kuntatti lil partijiet terzi u l-awtoritajiet regolatorji;

(b)

rappreżentanza tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni fl-“ENTSO għall-Elettriku”;

(c)

l-għoti u l-ġestjoni ta' aċċess ta' parti terza fuq bażi non-diskriminatorja bejn utenti tas-sistema jew klassijiet ta' utenti tas-sistema;

(d)

il-ġbir tal-ispejjeż kollha relatati mas-sistema tat-trażmissjoni inkluż l-ispejjeż ta' aċċess, enerġija għal telf u imposti għal servizzi anċillari;

(e)

l-operazzjoni, il-manutenzjoni u l-iżvilupp ta' sistema tat-trażmissjoni sigura, effiċjenti u ekonomika;

(f)

ippjanar ta' investiment li jiżgura l-abilità fuq perjodu ta' żmien fit-tul biex jilħaq domanda raġonevoli u jiggarantixxi s-sigurtà tal-provvista;

(g)

l-istabbiliment ta' impriżi konġunti xierqa, inkluż ma' operatur tas-sistema tat-trażmissjoni wieħed jew aktar, skambji ta' enerġija, u l-atturi l-oħra rilevanti bil-għan tal-iżvilupp tal-ħolqien tas-swieq reġjonali jew jiġi ffaċilitat il-proċess ta' liberalizzazzjoni; u

(h)

is-servizzi korporattivi kollha, inklużi s-servizzi legali, il-kontabilità u s-servizzi tal-IT.

3.   L-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni għandhom ikunu organizzati f'forma legali kif imsemmija fl-Anness 1 tad-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (26).

4.   L-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni ma għandux joħloq, fl-identità korporattiva, komunikazzjonijiet, użu tal-marka (branding) u leasing tiegħu, konfużjoni fir-rigward tal-identità separata tal-impriża integrata vertikalment jew kwalunkwe parti tagħha.

5.   L-operatur ta' sistema tat-trażmissjoni ma għandux jikkondividi sistemi jew tagħmir tal-IT, bini fiżiku u sistemi ta' aċċess tas-sigurtà ma' kwalunkwe parti tal-impriża integrata vertikalment u lanqas juża l-istess konsulenti jew kuntratturi esterni għal sistemi jew tagħmir tal-IT, u sistemi ta' aċċess tas-sigurtà.

6.   Il-kontijiet tal-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni għandhom jiġu vverifikati minn awditur li ma huwiex dak li jivverifika l-impriża integrata vertikalment jew xi parti minnha.

Artikolu 47

Indipendenza tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni

1.   Mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet tal-Korp ta' Sorveljanza taħt l-Artikolu 49, l-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni għandu jkollu:

(a)

drittijiet deċiżjonali effettivi, li jkunu indipendenti mill-impriża tal-elettriku integrata, fir-rigward tal-assi meħtieġa biex iħaddem, iżomm jew jiżviluppa s-sistema tat-trażmissjoni; u

(b)

is-setgħa li jsib fondi fis-suq kapitali b'mod partikolari billi jissellef u permezz ta' żieda kapitali.

2.   L-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni għandu, f'kull waqt, jaġixxi sabiex jiżgura li għandu r-riżorsi li jeħtieġ biex iwettaq ix-xogħol ta' trażmissjoni b'mod tajjeb u effiċjenti u jiżviluppa u jżomm is-sistema tat-trażmissjoni effiċjenti, sigura u ekonomika.

3.   Is-sussidjarji tal-impriża integrata vertikalment li jwettqu funzjonijiet ta' ġenerazzjoni jew provvista ma għandu jkollhom ebda sehem dirett jew indirett fl-ishma fl-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni. L-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni ma għandu jkollu l-ebda sehem dirett jew indirett fl-ishma ta' xi sussidjarja tal-impriża integrata vertikalment li twettaq funzjonijiet ta' ġenerazzjoni jew provvista, u lanqas jirċievi dividendi jew benefiċċji finanzjarji oħra min dik is-sussidjarja.

4.   L-istruttura ġenerali tal-ġestjoni u l-istatuti korporattivi tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni għandhom jiżguraw l-indipendenza effettiva tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni konformement ma' din it-Taqsima. L-impriża integrata vertikalment ma għandiex tiddetermina direttament jew indirettament il-kondotta kompetittiva tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni fir-rigward tal-attivitajiet ta' kuljum tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni u l-ġestjoni tan-netwerk, jew fir-rigward tal-attivitajiet meħtieġa għat-tħejjija tal-pjan ta' għaxar snin għall-iżvilupp tan-netwerk żviluppat taħt l-Artikolu 51.

5.   Fit-twettiq tal-ħidmiet tagħhom fl-Artikolu 40 u l-Artikolu 46(2) ta' din id-Direttiva, u f'konformità mal-obbligi stipulati fl-Artikoli 16, 18, 19 u 50 tar-Regolament (UE) 2019/943, l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni m'għandhomx jiddiskriminaw kontra persuni differenti jew entitajiet u ma għandhomx jirrestrinġu, jgħawwġu jew iċaħħdu l-kompetizzjoni fil-ġenerazzjoni jew fil-forniment.

6.   Kull relazzjoni kummerċjali u finanzjarja bejn l-impriża integrata vertikalment u l-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni, inkluż is-self mill-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni lill-impriża integrata vertikalment, għandha tkun konformi mal-kondizzjonijiet tas-suq. L-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni għandu jżomm rekords dettaljati ta' dawn ir-relazzjonijiet kummerċjali u finanzjarji u jagħmilhom disponibbli lill-awtorità regolatorja hekk kif issirlu t-talba.

7.   L-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni għandu jippreżenta għall-approvazzjoni mill-awtorità regolatorja l-ftehimiet kollha kummerċjali u finanzjarji mal-impriża integrata vertikalment.

8.   L-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni għandu jinforma lill-awtorità regolatorja bir-riżorsi finanzjarji, imsemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 46(1), disponibbli għal proġetti futuri ta' investiment u/jew għas-sostituzzjoni ta' assi eżistenti.

9.   L-impriża integrata vertikalment għandha tastjeni minn kull azzjoni li timpedixxi jew tippreġudika l-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni milli jikkonforma mal-obbligi tiegħu f'dan il-Kapitolu u ma għandhiex tesiġi li l-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni jitlob il-permess minn impriża integrata vertikalment fit-twettiq ta' dawk l-obbligi.

10.   Impriża li tkun ġiet ċertifikata mill-awtorità regolatorja bħala konformi mar-rekwiżiti ta' dan il-Kapitolu għandha tkun approvata u nnominata bħala operatur tas-sistema tat-trażmissjoni mill-Istat Membru kkonċernat. Għandha tapplika l-proċedura ta' ċertifikazzjoni fl-Artikolu 52 ta' din id-Direttiva u fl-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) 2019/943 jew fl-Artikolu 53 ta' din id-Direttiva.

Artikolu 48

Indipendenza tal-persunal u ġestjoni tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni

1.   Id-deċiżjonijiet fir-rigward ħatriet u tiġdid, kondizzjonijiet ta' xogħol inkluża r-remunerazzjoni u t-terminazzjoni tal-kariga tal-persuni responsabbli mill-ġestjoni u/jew membri tal-korpi amministrattivi tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni għandhom jittieħdu mill-Korp ta' Sorveljanza tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni maħtur f'konformità mal-Artikolu 49.

2.   L-identità u l-kondizzjonijiet li jirregolaw it-terminu, it-tul ta' żmien u t-terminazzjoni L-identità u l-kondizzjonijiet li jiggvernaw il-mandat, id-dewmien u t-tmiem tal-persuni nnominati mill-Korp Superviżorju għal ħatra jew tiġdid bħala persuni responsabbli mill-ġestjoni eżekuttiva u/jew bħala membri tal-korpi amministrattivi tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni, u r-raġunijiet għal kwalunkwe deċiżjoni proposta li ttemm tali mandat, għandhom jiġu notifikati lill-awtorità regolatorja. Dawk il-kondizzjonijiet u d-deċiżjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 għandhom isiru obbligatorji biss jekk, f'perjodu ta' tliet ġimgħat min-notifika, l-awtorità regolatorja ma tkun ressqet ebda oġġezzjoni.

L-awtorità regolatorja tista' toġġezzjona għad-deċiżjonijiet msemmija fil-paragrafu 1:

(a)

jekk jitqajmu dubji dwar l-indipendenza professjonali ta' persuna nnominata responsabbli mill-ġestjoni u/jew membru tal-korpi amministrattivi; jew

(b)

fil-każ ta' terminazzjoni prematura ta' kariga, jekk jeżistu dubji rigward il-ġustifikazzjoni ta' tali terminazzjoni prematura.

3.   L-ebda pożizzjoni jew responsabbiltà professjonali, interess jew relazzjoni ta' negozju, direttament jew indirettament, mal-impriża integrata vertikalment jew ma' kwalunkwe parti minnha jew mal-azzjonisti li jikkontrollawha għajr l-operatur ta' sistema tat-trażmissjoni, m'għandha tiġi eżerċitata għal perjodu ta' tliet snin qabel il-ħatra tal-persuni responsabbli mill-ġestjoni u/jew tal-membri tal-korpi amministrattivi tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni li huma soġġetti għal dan il-paragrafu.

4.   Il-persuni responsabbli mill-ġestjoni u/jew membri tal-korpi amministrattivi, u l-impjegati tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni ma jridx ikollhom xi pożizzjoni jew responsabbiltà professjonali, interess jew relazzjoni ta' negozju, direttament jew indirettament, ma' kwalunkwe parti oħra tal-impriża integrata vertikalment jew mal-azzjonisti li jikkontrollawha.

5.   Il-persuni responsabbli mill-ġestjoni u/jew membri tal-korpi amministrattivi, u l-impjegati tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni ma jridx ikollhom xi interess fi jew jirċievu xi benefiċċju finanzjarju, direttament jew indirettament, minn xi parti tal-impriża integrata vertikalment li mhuwiex l-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni. Il-ħlas tagħhom m'għandux jiddependi mill-attivitajiet jew mir-riżultati tal-impriża integrata vertikalment jekk mhux dawk tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni.

6.   Għandhom ikunu garantiti d-drittijiet effettivi ta' appell lill-awtorità regolatorja għal kwalunkwe lment mill-persuni responsabbli mill-ġestjoni u/jew membri tal-korpi amministrattivi tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni kontra terminazzjonijiet prematuri tal-kariga tagħhom.

7.   Wara t-terminazzjoni tal-kariga fl-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni, il-persuni responsabbli mill-ġestjoni tiegħu u/jew membri tal-korpi amministrattivi tiegħu ma jridx ikollhom xi pożizzjoni jew responsabbiltà professjonali, interess jew relazzjoni ta' negozju ma' xi parti tal-impriża integrata vertikalment jew xi parti minnha jekk mhux l-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni, jew mal-azzjonisti li jikkontrollawha għal perjodu ta' mhux anqas minn erba' snin.

8.   Il-paragrafu 3 għandu japplika għall-maġġoranza tal-persuni responsabbli mill-ġestjoni u/jew membri tal-korpi amministrattivi tal-operatur ta' sistema tat-trażmissjoni.

Il-persuni responsabbli mill-ġestjoni u/jew membri tal-korpi amministrattivi ta' operatur ta' sistema tat-trażmissjoni li mhumiex soġġetti għall-paragrafu 3 ma għandhomx ikunu eżerċitaw l-ebda ġestjoni jew attività rilevanti oħra fl-impriża integrata vertikalment għal perjodu ta' mill-anqas sitt xhur qabel il-ħatra tagħhom.

L-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu u l-paragrafi 4 sa 7 għandhom ikunu applikabbli għall-persuni kollha li jappartjenu għall-ġestjoni eżekuttiva u għal dawk li jirrapportaw lilhom direttament dwar kwistjonijiet relatati mal-operazzjoni, iż-żamma jew l-iżvilupp tan-netwerk.

Artikolu 49

Korp ta' Sorveljanza

1.   L-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni għandu jkollu Korp ta' Sorveljanza li jkun inkarigat mit-teħid ta' deċiżjonijiet li jista' jkollhom impatt sinifikattiv fuq il-valur tal-assi tal-azzjonisti fl-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni, partikolarment deċiżjonijiet rigward l-approvazzjoni tal-pjanijiet finanzjarji annwali u fuq perjodu itwal, il-livell ta' djun tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni u l-ammont ta' dividendi mqassma lill-azzjonisti. Id-deċiżjonijiet li jaqgħu fil-mandat tal-Korp ta' Sorveljanza għandhom jeskludu dawk li huma relatati mal-attivitajiet ta' kuljum tal-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni u l-ġestjoni tan-network, u ma' attivitajiet meħtieġa għat-tħejjija tal-pjan ta' għaxar snin għall-iżvilupp tan-network żviluppat taħt l-Artikolu 51.

2.   Il-Korp ta' Sorveljanza għandu jkun magħmul minn membri li jirrappreżentaw l-impriża integrata vertikalment, membri li jirrappreżentaw l-azzjonisti li huma parti terza u, fejn il-liġi nazzjonali rilevanti tipprevedi hekk, membri li jirrappreżentaw partijiet oħra interessati bħal impjegati tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni.

3.   L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 48(2) u l-Artikolu 48(3) sa (7) għandhom japplikaw għall-anqas għal nofs il-membri tal-Korp ta' Sorveljanza barra wieħed.

Il-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 48(2) għandu japplika għall-membri kollha tal-Korp ta' Sorveljanza.

Artikolu 50

Programm ta' konformità u uffiċjal għall-konformità

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni jistabbilixxu programm ta' konformità li jistabbilixxi l-miżuri meħudin biex jiġi żgurat li kull aġir diskriminatorju jiġi eskluż, u jaċċerta li l-konformità ma' dan il-programm hija sorveljata b'mod adatt. Il-programm ta' konformità għandu jistabbilixxi l-obbligi speċifiċi tal-impjegati li jilħqu dawk l-għanijiet. Huwa għandu jkun soġġett għall-approvazzjoni mill-awtorità regolatorja. Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtorità regolatorja, il-konformità mal-programm għandha tiġi sorveljata mill-uffiċjal għall-konformità fuq bażi indipendenti.

2.   L-uffiċjal għall-konformità għandu jinħatar mill-Korp ta' Sorveljanza, bil-kondizzjoni li dan jiġi approvat mill-awtorità regolatorja. L-awtorità regolatorja tista' tirrifjuta li tapprova l-ħatra tal-uffiċjal għall-konformità biss għal raġunijiet ta' nuqqas ta' indipendenza jew kapaċità professjonali. L-uffiċjal għall-konformità jista' jkun persuna fiżika jew ġuridika. L-Artikolu 48(2) sa (8) għandhom japplikaw għall-uffiċjal għall-konformità.

3.   L-uffiċjal għall-konformità għandu jkun inkarigat milli:

(a)

jissorvelja l-implimentazzjoni tal-programm ta' konformità;

(b)

ifassal rapport annwali, li juri l-miżuri meħuda għall-implimentazzjoni tal-programm ta' konformità u jippreżentah lill-awtorità regolatorja;

(c)

jirrapporta lill-Korp ta' Sorveljanza u joħroġ rakkomandazzjonijiet dwar il-programm ta' konformità u l-implimentazzjoni tiegħu;

(d)

jinnotifika lill-awtorità regolatorja dwar kwalunkwe ksur sostanzjali fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-programm ta' konformità; u

(e)

jirrapporta lill-awtorità regolatorja dwar kwalunkwe relazzjoni kummerċjali u finanzjarja bejn l-impriża integrata vertikalment u l-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni.

4.   L-uffiċjal għall-konformità għandu jippreżenta d-deċiżjonijiet proposti dwar il-pjan ta' investiment jew dwar investimenti individwali fin-netwerk lill-awtorità regolatorja. Dan għandu jseħħ l-aktar tard meta t-tmexxija u/jew il-korp amministrattiv kompetenti tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni jippreżentahom lill-Korp ta' Sorveljanza.

5.   Fejn l-impriża integrata vertikalment, fl-assemblea ġenerali jew permezz tal-vot tal-membri tal-Korp ta' Sorveljanza li hija tkun ħatret, tkun evitat l-adozzjoni ta' deċiżjoni bl-effett li ma jitħallewx isiru jew jiġu ttardjati investimenti, li taħt il-pjan ta' għaxar snin għall-iżvilupp tan-netwerk kellha tiġi implimentata fit-tliet snin ta' wara, l-uffiċjal għall-konformità għandu jirrapporta dan lill-awtorità regolatorja, li mbagħad għandha taġixxi f'konformità mal-Artikolu 51.

6.   Il-kondizzjonijiet li jiggvernaw il-mandat jew il-kondizzjonijiet ta' impjieg tal-uffiċjal għall-konformità, inkluż it-tul tal-mandat tiegħu, għandhom ikunu soġġetti għall-approvazzjoni mill-awtorità regolatorja. Dawk il-kondizzjonijiet għandhom jiżguraw l-indipendenza tal-uffiċjal għall-konformità, inkluż permezz tal-provvista tar-riżorsi kollha meħtieġa għat-twettiq ta' dmirijiet tal-uffiċjal għall-konformità. Matul il-mandat tiegħu, l-uffiċjal għall-konformità ma jista' jkollu l-ebda pożizzjoni professjonali oħra, responsabbiltà jew interess, b'mod dirett jew indirett fi jew ma' kwalunkwe parti tal-impriża integrata vertikalment jew mal-azzjonisti li jikkontrollawha.

7.   L-uffiċjal għall-konformità għandu jirrapporta regolarment, bil-fomm jew bil-kitba, lill-awtorità regolatorja u għandu jkollu d-dritt li jirrapporta regolarment, bil-fomm jew bil-kitba, lill-Korp ta' Sorveljanza tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni.

8.   L-uffiċjal għall-konformità jista' jattendi l-laqgħat kollha tat-tmexxija jew tal-korpi amministrattivi tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni, u dawk tal-Korp ta' Sorveljanza u l-assemblea ġenerali. L-uffiċjal għall-konformità għandu jattendi l-laqgħat kollha li jindirizzaw il-materji li ġejjin:

(a)

il-kondizzjonijiet ta' aċċess għan-network, kif stabbiliti fir-Regolament (UE) 2019/943, partikolarment fir-rigward tat-tariffi, is-servizzi ta' aċċess għal partijiet terzi, l-allokazzjoni tal-kapaċità u l-ġestjoni tal-konġestjoni, it-trasparenza, is-servizzi anċillari u s-swieq sekondarji;

(b)

proġetti mibdija sabiex titħaddem, tinżamm u tiġi żviluppata s-sistema tat-trażmissjoni, inkluż investimenti għall-interkonnessjoni u l-konnessjoni;

(c)

xiri jew bejgħ tal-enerġija meħtieġa biex titħaddem is-sistema tat-trażmissjoni.

9.   L-uffiċjal għall-konformità għandu jissorvelja l-konformità tal-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni mal-Artikolu 41.

10.   L-uffiċjal għall-konformità għandu jkollu aċċess għad-data kollha rilevanti u għall-uffiċċji tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni u għall-informazzjoni kollha meħtieġa biex jaqdi l-kompiti tiegħu.

11.   L-uffiċjal għall-konformità għandu jkollu aċċess għall-uffiċċji tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni mingħajr avviż minn qabel.

12.   Wara l-approvazzjoni minn qabel tal-awtorità regolatorja, il-Korp ta' Sorveljanza jista' jneħħi mill-kariga lill-uffiċjal għall-konformità. Huwa għandu jkeċċi l-uffiċjal għall-konformità għal raġunijiet ta' nuqqas ta' indipendenza jew ta' kapaċità professjonali, meta jiġi mitlub li jagħmel dan mill-awtorità regolatorja.

Artikolu 51

Żvilupp tan-netwerk u setgħat li jittieħdu deċiżjonijiet dwar investimenti

1.   Tal-anqas kull sentejn, l-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni għandhom jippreżentaw lill-awtorità regolatorja pjan ta' għaxar snin għall-iżvilupp tan-netwerk ibbażat fuq il-provvista u d-domanda eżistenti u previsti wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati kollha rilevanti. Dak il-pjan tal-iżvilupp tan-netwerk għandu jinkludi miżuri effiċjenti sabiex tkun garantita l-adegwatezza tas-sistema u s-sigurtà tal-forniment. L-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni għandu jippubblika l-pjan ta' għaxar snin għall-iżvilupp tan-netwerk fuq is-sit web tiegħu.

2.   Il-pjan ta' għaxar snin għall-iżvilupp tan-network għandu, b'mod partikolari:

(a)

jindika lill-parteċipanti fis-suq l-infrastrutturi ewlenin ta' trażmissjoni li jeħtieġ li jinbnew jew jiġu mmodernizzati matul l-għaxar snin li ġejjin;

(b)

jkun fih l-investimenti kollha diġà deċiżi u jidentifika investimenti ġodda li jridu jiġu eżegwiti fit-tliet snin li ġejjin; u

(c)

jipprovdi skeda ta' żmien għall-proġetti kollha ta' investiment.

3.   Waqt l-elaborazzjoni tal-pjan ta' għaxar snin għall-iżvilupp tan-netwerk, l-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni għandu jqis b'mod sħiħ il-potenzjal għall-użu tar-rispons tad-domanda, il-faċilitajiet tal-ħżin tal-enerġija jew riżorsi oħra bħala alternattivi għall-espansjoni tas-sistema, kif ukoll il-konsum mistenni, il-kummerċ ma' pajjiżi oħra u l-pjanijiet ta' investiment għal netwerks fl-Unjoni kollha u reġjonali.

4.   L-awtorità regolatorja għandha tikkonsulta mal-utenti kollha effettivi u potenzjali tas-sistema dwar il-pjan ta' għaxar snin għall-iżvilupp tan-network b'mod miftuħ u trasparenti. Persuni jew impriżi li jsostnu li huma utenti potenzjali tas-sistema jistgħu jintalbu jissostanzjaw tali pretensjonijiet. L-awtorità regolatorja għandha tippubblika r-riżultat tal-proċess ta' konsultazzjoni, partikolarment il-ħtiġijiet possibbli għal investimenti.

5.   L-awtorità regolatorja għandha teżamina jekk il-pjan ta' għaxar snin għall-iżvilupp ta' netwerk ikoprix il-bżonnijiet kollha ta' investiment identifikati matul il-proċess ta' konsultazzjoni, u jekk hux konsistenti mal-pjan tal-iżvilupp tan-netwerk ta' għaxar snin għall-Unjoni kollha (Il-pjan tal-iżvilupp tan-netwerk għall-Unjoni kollha) kif stipulat fil-punt (b) tal-Artikolu 30(1) tar-Regolament (UE) 2019/943. Jekk ikun hemm xi dubju dwar il-konformità mal-pjan għaxar snin għall-iżvilupp tan-netwerk għall-Unjoni kollha, l-awtorità regolatorja għandha tikkonsulta lill-ACER. L-awtorità regolatorja tista' titlob lill-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni sabiex jemenda l- pjan tiegħu ta' għaxar snin għall-iżvilupp tan-netwerk.

L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jeżaminaw il-konsistenza tal-pjan ta' għaxar snin għall-iżvilupp tan-netwerk mal-pjan nazzjonali tal-enerġija u tal-klima ppreżentat f'konformità mar-Regolament (UE) 2018/1999.

6.   L-awtorità regolatorja għandha tissorvelja u tevalwa l-implimentazzjoni tal-pjan ta' għaxar snin għall-iżvilupp tan-network.

7.   F'ċirkostanzi fejn l-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni, jekk mhux għal raġunijiet imperattivi mhux fil-kontroll tiegħu, ma jeżegwix investiment, li, konformement mal-pjan ta' għaxar snin għall-iżvilupp tan-network, suppost kellu jiġi eżegwit fis-snin ta' wara, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità regolatorja għandha l-obbligu li tieħu għall-anqas waħda mill- miżuri li ġejjin biex tiżgura li l-investiment in kwistjoni jseħħ jekk tali investiment ikun għadu rilevanti abbażi tal- pjan l-aktar reċenti ta' għaxar snin għall-iżvilupp tan-network:

(a)

tesiġi mill-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni li jeżegwixxi l-investimenti in kwistjoni;

(b)

torganizza proċedura għal sejħa ta' offerti miftuħa għal kull investitur għall-investiment in kwistjoni; jew

(c)

tobbliga lill-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni jaċċetta żieda fil-kapital biex jiffinanzja l-investimenti meħtieġa u jippermetti l-investituri indipendenti jipparteċipaw fil-kapital.

8.   Fejn l-awtorità regolatorja tkun għamlet użu mis-setgħat tagħha taħt il-punt (b) tal-paragrafu 7, hija tista' tobbliga lill-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni sabiex dan jaqbel ma' element wieħed jew iżjed minn dawn li ġejjin:

(a)

il-finanzjament minn xi parti terza;

(b)

il-kostruzzjoni minn xi parti terza;

(c)

il-bini minnu stess tal-assi kkonċernati;

(d)

l-operazzjoni minnu istess tal-assi kkonċernat.

L-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni għandu jipprovdi lill-investituri bl-informazzjoni kollha meħtieġa biex iwettqu l-investiment, għandu jikkollega l-assi l-ġodda man-netwerk ta' trażmissjoni u għandu ġeneralment jagħmel l-aħjar li jista' biex jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-proġett ta' investiment.

L-arranġamenti finanzjarji rilevanti għandhom ikunu soġġetti għall-approvazzjoni mill-awtorità regolatorja.

9.   Fejn l-awtorità regolatorja tkun għamlet użu mis-setgħat tagħha taħt il-paragrafu 7, ir-regolamenti rilevanti dwar it-tariffi għandhom ikopru l-ispejjeż tal-investimenti in kwistjoni.

Taqsima 4

Ħatra u ċertifikazzjoni ta' operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni

Artikolu 52

Ħatra u ċertifikazzjoni ta' operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni

1.   Qabel ma impriża tkun approvata u maħtura bħala operatur tas-sistema ta' trażmissjoni, hija għandha tkun ċertifikata konformement mal-proċeduri stabbiliti fil-paragrafi 4, 5 u 6 ta' dan l-Artikolu u fl-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) 2019/943.

2.   Impriżi li ġew ċertifikati mill-awtorità regolatorja bħala li kkonformaw mar-rekwiżiti tal-Artikolu 43, konformement mal-proċedura ta' ċertifikazzjoni aktar 'l isfel, għandhom jiġu approvati u maħtura bħala operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni mill-Istati Membri. Il-ħatra tal-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni u ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

3.   L-operaturi ta' sistema tat-trażmissjoni għandhom jinnotifikaw lill-awtorità regolatorja bi kwalunkwe tranżazzjoni ppjanata li tista' teħtieġ valutazzjoni mill-ġdid tal-konformità tagħha mar-rekwiżiti l-Artikolu 43.

4.   L-awtoritajiet regolatorji għandhom jissorveljaw l-konformità kontinwa tal-operaturi ta' sistema tat-trażmissjoni mal-Artikolu 43. Għandhom jibdew proċeduri ta' ċertifikazzjoni biex jiżguraw tali konformità:

(a)

man-notifika mill-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni taħt il-paragrafu 3;

(b)

fuq inizjattiva tagħhom stess fejn ikollhom tagħrif li bidla ppjanata fid-drittijiet jew fl-influwenza fuq proprjetarji ta' sistema tat-trażmissjoni jew operaturi ta' sistema tat-trażmissjoni tista' twassal għal ksur tal-Artikolu 43, jew fejn għandhom raġuni biex jemmnu li seta' seħħ tali ksur; jew

(c)

fuq talba motivata mill-Kummissjoni.

5.   L-awtoritajiet regolatorji għandhom jadottaw deċiżjoni dwar iċ-ċertifikazzjoni ta' operatur tas-sistema tat-trażmissjoni f'erba' xhur mid-data tan-notifika mill-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni jew mid-data tat-talba tal-Kummissjoni. Wara l-iskadenza ta' dan il-perjodu, iċ-ċertifikazzjoni għandha titqies bħala mogħtija. Id-deċiżjoni espliċita jew taċita tal-awtorità regolatorja għandha ssir effettiva biss wara l-konklużjoni tal-proċedura prevista fil-paragrafu 6.

6.   Id-deċiżjoni espliċita jew taċita dwar iċ-ċertifikazzjoni ta' operatur tas-sistema tat-trażmissjoni għandha tkun notifikata mingħajr dewmien lill-Kummissjoni mill-awtorità regolatorja, flimkien mal-informazzjoni rilevanti kollha fir-rigward tad-deċiżjoni. Il-Kummissjoni għandha taġixxi skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) 2019/943.

7.   L-awtoritajiet regolatorji u l-Kummissjoni jistgħu jesiġu mill-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni u mill-impriżi li jwettqu kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet ta' ġenerazzjoni jew ta' provvista kwalunkwe informazzjoni rilevanti għat-twettiq tal-kompiti tagħhom taħt dan l-Artikolu.

8.   L-awtoritajiet regolatorji u l-Kummissjoni għandhom jippreservaw il-kunfidenzjalità ta' informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

Artikolu 53

Ċertifikazzjoni fir-rigward ta' pajjiżi terzi

1.   Fejn ċertifikazzjoni hija meħtieġa minn proprjetarju ta' sistema tat-trażmissjoni jew operatur ta' sistema tat-trażmissjoni u li hija kkontrollata minn persuna jew persuni minn pajjiż terz jew minn pajjiżi terzi, l-awtorità regolatorja għandha tinnotifika lill-Kummissjoni.

L-awtorità regolatorja għandha tinnotifika lill-Kummissjoni wkoll mingħajr dewmien kull ċirkustanza li tirriżulta f'persuna jew persuni minn pajjiż terz jew minn pajjiżi terzi li jiksbu kontroll tas-sistema tat-trażmissjoni jew operatur ta' sistema tat-trażmissjoni.

2.   L-operaturi ta' sistema ta' trażmissjoni għandhom jinnotifikaw lill-awtorità regolatorja bi kwalunkwe ċirkustanza li tirriżulta f'persuna jew persuni minn pajjiż terz jew minn pajjiżi terzi li jiksbu kontroll fuq is-sistema tat-trażmissjoni jew l-operatur ta' sistema tat-trażmissjoni.

3.   L-awtorità regolatorja għandha tadotta abbozz tad-deċiżjoni dwar iċ-ċertifikazzjoni ta' operatur ta' sistema tat-trażmissjoni f'erba' xhur mid-data tan-notifika mill-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni. Hija għandha tirrifjuta ċ-ċertifikazzjoni jekk ma jkunx ġie ppruvat:

(a)

li l-entità kkonċernata tikkonforma mar-rekwiżiti tal-Artikolu 43; u

(b)

lill-awtorità regolatorja jew lil awtorità kompetenti nazzjonali oħra maħtura mill-Istat Membru li l-għotja taċ-ċertifikazzjoni mhux ser tpoġġi f'riskju s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-Istat Membru u l-Unjoni. Fil-kunsiderazzjoni ta' din il-kwistjoni l-awtorità regolatorja jew l-awtorità kompetenti nazzjonali l-oħra għandha tieħu kont ta':

(i)

id-drittijiet u l-obbligi tal-Unjoni fir-rigward ta' dawn il-pajjiżi terzi li jirriżultaw taħt id-dritt internazzjonali, inkluż kull ftehim konkluż ma' xi pajjiż terz jew aktar li għalih l-Unjoni hija parti u li jkun indirizza l-kwistjonijiet tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija;

(ii)

id-drittijiet u l-obbligi tal-Istat Membru fir-rigward ta' dawn il-pajjiżi terzi li jirriżultaw minn ftehim konkluż ma' dawn il-pajjiżi terzi, sa fejn huma jikkonformaw mad-dritt tal-Unjoni; u

(iii)

fatti speċifiċi u ċirkostanzi oħra tal-każ u l-pajjiż terz konċernat.

4.   Id-deċiżjoni għandha tiġi notifikata mingħajr dewmien mill-awtorità regolatorja lill-Kummissjoni, flimkien mal-informazzjoni rilevanti kollha rigward dik id-deċiżjoni.

5.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu provvediment sabiex l-awtorità regolatorja u/jew l-awtorità kompetenti maħtura msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 3, qabel ma l-awtorità regolatorja tadotta deċiżjoni dwar iċ-ċertifikazzjoni, jitolbu opinjoni mill-Kummissjoni dwar jekk:

(a)

l-entità kkonċernata tikkonformax mar-rekwiżiti tal-Artikolu 43; u

(b)

l-għoti taċ-ċertifikazzjoni ma tpoġġix f'riskju s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija lill-Unjoni.

6.   Il-Kummissjoni għandha teżamina t-talba msemmija fil-paragrafu 5 hekk kif tirċeviha. F'xahrejn minn meta tirċievi t-talba, hija għandha tagħti l-opinjoni tagħha lill-awtorità regolatorja jew, jekk it-talba tkun saret mill-awtorità kompetenti maħtura, lil dik l-awtorità.

Fit-tħejjija tal-opinjoni, il-Kummissjoni tista' titlob l-opinjoni tal-ACER, l-Istat Membru konċernat, u partijiet interessati. Fil-każ li l-Kummissjoni tagħmel din it-talba, il-perjodu ta' xahrejn għandu jiġi estiż b'xahrejn.

Fin-nuqqas ta' opinjoni mill-Kummissjoni fi żmien il-perjodu msemmi fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi, il-Kummissjoni għandha titqies li ma tqajjimx oġġezzjonijiet għad-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja.

7.   Meta tkun qiegħda tivvaluta jekk il-kontroll minn persuna jew persuni minn pajjiż terz jew minn pajjiżi terzi ikunx qiegħed ipoġġi f'riskju s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija lill-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tqis:

(a)

il-fatti speċifiċi tal-każ u l-pajjiż terz jew pajjiżi terzi konċernati; u

(b)

id-drittijiet u l-obbligi tal-Unjoni fir-rigward ta' dawn il-pajjiżi terzi li jirriżultaw taħt id-dritt internazzjonali, inkluż kull ftehim konkluż ma' xi pajjiż terz jew aktar li għalih l-Unjoni hija parti u li jkun indirizza l-kwistjonijiet tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija.

8.   L-awtorità regolatorja għandha, f'xahrejn mill-iskadenza tal-perjodu msemmi fil-paragrafu 6, tadotta d-deċiżjoni finali tagħha dwar iċ-ċertifikazzjoni. Meta tadotta d-deċiżjoni finali tagħha l-awtorità regolatorja għandha tqis bl-aktar mod possibbli l-opinjoni tal-Kummissjoni. Fi kwalunkwe każ l-Istati Membri għandhom ikollhom id-dritt li jirrifjutaw iċ-ċertifikazzjoni fejn l-għoti ta' ċertifikazzjoni tqiegħed f'riskju s-sigurtà tal-provvista tal-enerġiji tal-Istati Membri jew is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija ta' Stat Membru ieħor. Fejn l-Istat Membru jkun ħatar awtorità kompetenti nazzjonali oħra biex tagħmel il-valutazzjoni msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 3, huwa jista' jesiġi li l-awtorità regolatorja tadotta d-deċiżjoni finali tagħha f'konformità mal-valutazzjoni ta' dik l-awtorità kompetenti nazzjonali. Id-deċiżjoni finali tal-awtorità regolatorja u l-opinjoni tal-Kummissjoni għandhom jiġu ppubblikati flimkien. Fejn id-deċiżjoni finali tvarja mill-opinjoni tal-Kummissjoni, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi u jippubblika, flimkien ma' dik id-deċiżjoni, ir-raġunar għal dik id-deċiżjoni.

9.   Xejn f'dan l-Artikolu ma għandu jaffettwa d-dritt tal-Istati Membri li, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, jeżerċitaw kontrolli legali nazzjonali biex iħarsu interessi leġittimi tas-sigurtà pubblika.

10.   Dan l-Artikolu, bl-eċċezzjoni tal-punt (a) tal-paragrafu 3 tiegħu, għandu japplika wkoll għal Stati Membri li huma soġġetti għal deroga taħt l-Artikolu 66.

Artikolu 54

Sjieda tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-enerġija minn operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni

1.   L-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni m'għandhomx ikunu s-sidien ta', jiżviluppaw, jamministraw jew joperaw, faċilitajiet tal-ħżin tal-enerġija.

2.   Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jħallu lill-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni jkunu s-sidien ta', jiżviluppaw, jamministraw jew joperaw, faċilitajiet tal-ħżin tal-enerġija, fejn ikunu komponenti tan-netwerk integrati għalkollox dment li l-awtorità regolatorja tkun tat l-approvazzjoni tagħha, jew fejn ikunu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

partijiet oħra, wara proċedura ta' sejħa għall-offerti miftuħa, trasparenti u nondiskriminatorja li hija soġġetta għal rieżami u approvazzjoni mill-awtorità regolatorja, ma jkunux ingħataw dritt li jkunu s-sidien ta', jiżviluppaw, jamministraw jew joperaw, tali faċilitajiet jew ma jkunux jistgħu joffru dawk is-servizzi bi spejjeż raġonevoli u fil-ħin;

(b)

tali faċilitajiet jew servizzi anċillari mhux tal-frekwenza jkunu meħtieġa biex l-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont din id-Direttiva għat-tħaddim effiċjenti, affidabbli u sikur tas-sistema tat-trażmissjoni u huma ma jintużawx biex l-elettriku jinxtara jew jinbiegħ fis-swieq tal-elettriku; u

(c)

l-awtorità regolatorja tkun ivvalutat in-neċessità ta' deroga bħal din, tkun wettqet reviżjoni ex ante tal-applikabbiltà tal-proċedura ta' sejħa għall-offerti, inkluż il-kondizzjonijiet tal-proċedura ta' sejħa għall-offerti u tat l-approvazzjoni tagħha.

L-awtorità regolatorja tista' tfassal linji gwida jew klawżoli ta' akkwist biex tgħin lill-operaturi ta' sistemi ta' trażmissjoni biex jiżguraw proċedura ta' sejħa għall-offerti ġusta.

3.   Id-deċiżjoni li tingħata deroga għandha tiġi notifikata lill-Kummissjoni u lill-ACER flimkien mal-informazzjoni rilevanti dwar it-talba u r-raġunijiet għall-għoti tad-deroga.

4.   L-awtoritajiet regolatorji għandhom iwettqu f'intervalli regolari jew għall-inqas kull ħames snin, konsultazzjoni pubblika għall-faċilitajiet tal-ħżin tal-enerġija eżistenti sabiex jivvalutaw id-disponibbiltà u l-interess potenzjali ta' partijiet oħrajn biex jinvestu f'tali faċilitajiet. Fejn il-konsultazzjoni pubblika, kif ivvalutata mill-awtorità regolatorja, tindika li partijiet oħrajn jistgħu ikunu s-sidien ta', jiżviluppaw, joperaw jew jamministraw, tali faċilitajiet b'mod kosteffiċjenti, l-awtorità regolatorja għandha tiżgura li l-attivitajiet tal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni f'dan ir-rigward jitwaqqfu gradwalment fi żmien 18-il xahar. Bħala parti mill-kondizzjonijiet ta' dik il-proċedura, l-awtoritajiet regolatorji jistgħu jippermettu lill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni li jirċievu kumpens raġonevoli, b'mod partikolari li jirkupraw il-valur residwu tal-investiment tagħhom fil-faċilitajiet tal-ħżin tal-enerġija.

5.   Il-paragrafu 4 ma għandux japplika la għal komponenti tan-netwerk li huma kompletament integrati u lanqas għall-perjodu tipiku ta' deprezzament tal-faċilitajiet ġodda għall-ħżin tal-batteriji b'deżizjoni finali dwar l-investiment sal-2024, dment li tali faċilitajiet għall-ħżin tal-batteriji huma:

(a)

konnessi mal-grilja l-aktar tard sa sentejn wara dan;

(b)

integrati fis-sistema ta' trażmissjoni;

(c)

jintużaw biss għar-restawr reattiv immedjat tas-sigurtà tan-netwerk f'każ ta' fallimenti fin-netwerk fejn tali miżura ta' restawr tibda u tintemm immedjatament meta l-varar mill-ġdid regolari jkun jista' jsolvi l-kwistjoni;

(d)

ma jintużawx biex jinxtara jew jinbiegħ l-elettriku fis-swieq tal-elettriku, inkluż l-ibbilanċjar.

Taqsima 5

Separazzjoni u trasparenza tal-kontijiet

Artikolu 55

Dritt ta' aċċess għall-kontijiet

1.   L-Istati Membri jew kwalunkwe awtorità kompetenti li dawn jaħtru, inklużi l-awtoritajiet regolatorji msemmija fl-Artikolu 57, għandhom, sa fejn meħtieġ biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom, ikollhom id-dritt ta' aċċess għall-kontijiet tal-impriżi tal-elettriku kif stabbilit fl-Artikolu 56.

2.   L-Istati Membri u kwalunkwe awtorità kompetenti maħtura, inklużi l-awtoritajiet regolatorji għandhom iżommu l-kunfidenzjalità ta' informazzjoni kummerċjalment sensittiva. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu għall-iżvelar ta' din l-informazzjoni fejn tali żvelar huwa meħtieġ sabiex l-awtoritajiet kompetenti jwettqu l-funzjonijiet tagħhom.

Artikolu 56

Separazzjoni tal-kontijiet

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li l-kontijiet tal-impriżi tal-elettriku jinżammu konformement mal-paragrafi 2 u 3.

2.   L-impriżi tal-elettriku, irrispettivament mis-sistema tas-sjieda jew forma legali tagħhom, għandhom ifasslu, jippreżentaw għall-verifika u jippubblikaw il-kontijiet annwali tagħhom skont ir-regoli tal-liġi nazzjonali dwar il-kontijiet annwali ta' kumpaniji b'responsabbiltà limitata adottata skont id-Direttiva 2013/34/UE.

Impriżi li ma jkunux obbligati legalment biex jippubblikaw il-kontijiet annwali tagħhom għandhom iżommu kopja ta' dawn għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fil-kwartieri ġenerali tagħhom.

3.   L-impriżi tal-elettriku għandhom, fis-sistema interna tagħhom ta' kif jinżammu l-kontijiet, iżommu kontijiet separati għal kull waħda mill-attivitajiet ta' trażmissjoni u distribuzzjoni li huma jwettqu daqs li kieku kellhom jagħmlu hekk jekk l-attivitajiet in kwistjoni kellhom jitwettqu minn impriżi separati, bil-ħsieb li jkunu evitati d-diskriminazzjoni, l-inter-sussidjarjetà u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni. Dawn għandhom iżommu wkoll il-kontijiet, li jistgħu jkunu konsolidati, għal attivitajiet oħra tal-elettriku li ma jkunux marbuta mat-trażmissjoni jew id-distribuzzjoni. Il-qligħ mill-proprjetà tas-sistema tat-trażmissjoni jew distribuzzjoni għandu jkun speċifikat fil-kontijiet. Fejn ikun xieraq, dawn għandhom iżommu kontijiet konsolidati għal attivitajiet oħra li ma jkunux tal-elettriku. Il-kontijiet interni għandhom jinkludu karta tal-bilanċ u kont ta' qligħ u telf għal kull attività.

4.   Il-verifika msemmija fil-paragrafu 2 għandha, b'mod partikolari, tivverifika li l-obbligu biex ikunu evitati d-diskriminazzjoni u l-inter-sussidjarjetà msemmija fil-paragrafu 3, ikun rispettat.

KAPITOLU VII

AWTORITAJIET REGOLATORJI

Artikolu 57

Ħatra u indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità regolatorja waħda fil-livell nazzjonali.

2.   Il-paragrafu 1għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-ħatra ta' awtoritajiet regolatorji oħrajn fil-livell reġjonali fl-Istati Membri, sakemm ikun hemm rappreżentant superjuri wieħed għall-finijiet ta' rappreżentanza u kuntatt fil-livell tal-Unjoni fil-Bord tar-Regolaturi tal-ACER konformement mal-Artikolu 21(1) tar-Regolament (UE) 2019/942.

3.   B'deroga mill-paragrafu 1, Stat Membru jista' jaħtar awtoritajiet regolatorji għal sistemi żgħar fuq reġjun ġeografikament separat li fis-sena 2008 jkollu konsum ta' anqas minn 3 % tal-konsum totali tal-Istat Membru li minnu jagħmel parti. Dik id-deroga għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-ħatra ta'rappreżentant superjuri wieħed għall-finijiet ta' rappreżentanza u kuntatt fil-livell tal-Unjoni fil-Bord tar-Regolaturi tal-ACER skont l-Artikolu 21(1) tar-Regolament (UE) 2019/942.

4.   L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-indipendenza tal-awtorità regolatorja u jiżguraw li din teżerċita is-setgħat tagħha b'mod imparzjali u trasparenti. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta twettaq il-kompiti regolatorji kkonferiti fuqha permezz ta' din id-Direttiva u l-leġislazzjoni relatata, l-awtorità regolatorja:

(a)

tkun legalment distinta u funzjonalment indipendenti minn kwalunkwe entità pubblika jew privata oħra;

(b)

għandha tiżgura li l-persunal tagħha u l-persuni responsabbli għall-ġestjoni tagħha:

(i)

jaġixxu b'mod indipendenti minn kwalunkwe interess tas-suq; u

(ii)

ma jitolbux jew jieħdu istruzzjonijiet diretti mill-ebda gvern jew entità pubblika jew privata oħra fit-twettiq tal-kompiti regolatorji. Dak ir-rekwiżit huwa mingħajr preġudizzju għall-kooperazzjoni mill-qrib, fejn ikun il-każ, ma' awtoritajiet nazzjonali oħra rilevanti jew għal-linji gwida ġenerali ta' politika maħruġa mill-gvern li ma jkunux relatati mad-dmirijiet u setgħat regolatorji taħt l-Artikolu 59.

5.   Sabiex tkun protetta l-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji, l-Istati Membri għandhom b'mod partikolari jiżguraw li:

(a)

l-awtorità regolatorja tista' tieħu deċiżjonijiet awtonomi, b'mod indipendenti minn kwalunkwe entità politika;

(b)

l-awtorità regolatorja għandha r-riżorsi umani u finanzjarji kollha neċessarji li għandha bżonn sabiex twettaq il-kompiti u teżerċita s-setgħat tagħha b'mod effikaċi u effiċjenti;

(c)

l-awtorità regolatorja għandha allokazzjonijiet annwali separati tal-baġit u awtonomija fl-implementazzjoni tal-baġit allokat;

(d)

il-membri tal-Bord tal-Awtorità Regolatorja jew, fin-nuqqas ta' bord, l-eżekuttiv għoli tal-awtorità regolatorja għandhom jinħatru għal terminu fiss ta' minn 5 sa 7 snin, li jista' jiġġedded darba biss;

(e)

il-membri tal-bord tal-awtorità regolatorja jew, fin-nuqqas ta' bord, l-eżekuttiv għoli tal-awtorità regolatorja, jinħatar abbażi ta' kriterji oġġettivi, trasparenti u ppubblikati, fi proċedura indipendenti u imparzjali, li tiżgura li l-kandidati jkollhom il-ħiliet u l-esperjenza meħtieġa għall-pożizzjoni rilevanti fl-awtorità regolatorja;

(f)

ikun hemm fis-seħħ dispożizzjonijiet għall-kunflitt ta' interess u li l-obbligi ta' kunfidenzjalità jmorru lil hinn mill-mandat tal-membri tal-bord tal-awtorità regolatorja jew, fin-nuqqas ta' bord, it-tmiem tal-mandat tal-eżekuttiv għoli tal-awtorità regolatorja;

(g)

il-membri tal-bord tal-awtorità regolatorja jew, fin-nuqqas ta' bord, l-eżekuttiv għoli tal-awtorità regolatorja, jista' jitneħħa biss abbażi ta' kriterji trasparenti fis-seħħ.

Fir-rigward tal-punt (d) tal-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw skema ta' rotazzjoni adegwata għall-bord jew għall-eżekuttiv għoli. Il-membri tal-bord jew, fin-nuqqas ta' bord, il-membri tal-eżekuttiv għoli jistgħu biss jitneħħew mill-kariga matul il-mandat tagħhom jekk ma jibqgħux jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu jew jekk jinsabu ħatja ta' mġiba ħażina skont il-liġi nazzjonali.

6.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li jsir kontroll ex-post tal-kontijiet annwali tal-awtoritajiet regolatorji minn awditur indipendenti.

7.   Sal-5 ta' Lulju 2022 u sussegwentement kull erba'snin, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-konformità tal-awtoritajiet nazzjonali mal-prinċipju ta' indipendenza stabbilit f'dan l-Artikolu.

Artikolu 58

Objettivi ġenerali tal-awtorità regolatorja

Fit-twettiq tal-kompiti regolatorji speċifikati f'din id-Direttiva, l-awtorità regolatorja għandha tieħu l-miżuri raġonevoli kollha biex jinkisbu l-objettivi li ġejjin fil-qafas tal-kompiti u s-setgħat tagħha kif stabbiliti fl-Artikolu 59, f'konsultazzjoni mill-qrib ma' awtoritajiet nazzjonali konċernati oħra inklużi awtoritajiet tal-kompetizzjoni, kif ukoll awtoritajiet, inklużi awtoritajiet regolatorji, minn Stati Membri ġirien u, kif xieraq, pajjiżi terzi ġirien, kif adatt, u mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tagħhom:

(a)

il-promozzjoni, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-ACER, l-awtoritajiet regolatorji ta' Stati Membri oħrajn, il-Kummissjoni u l-ACER, ta' suq intern għall-elettriku li jkun kompetittiv, flessibbli, sikur u ambjentalment sostenibbli fi ħdan l-Unjoni, u ftuħ effikaċi fis-suq għall-konsumaturi u l-fornituri kollha tal-Unjoni kif ukoll li jkunu żgurati kondizzjonijiet adegwati għat-tħaddim effikaċi u affidabbli tan-netwerks tal-enerġija, meta jitqiesu l-objettivi fuq medda twila ta' żmien;

(b)

l-iżvilupp ta' swieq reġjonali transkonfinali, kompetittivi u li jiffunzjonaw tajjeb fl-Unjoni sabiex jinkisbu l-għanijiet imsemmija fil-punt (a);

(c)

l-eliminazzjoni ta' restrizzjonijiet fuq il-kummerċ fl-elettriku bejn l-Istati Membri, inkluż l-iżvilupp ta' kapaċitajiet adatti ta' trażmissjoni transkonfinali biex tiġi sodisfatta d-domanda u tittejjeb l-integrazzjoni tas-swieq nazzjonali li jistgħu jiffaċilitaw il-flussi tal-elettriku fl-Unjoni;

(d)

tingħata għajnuna fil-kisba, bl-aktar mod effikaċi, tal-iżvilupp ta' sistemi mhux diskriminatorji sikuri, affidabbli u effiċjenti li jkunu orjentati lejn il-konsumaturi, u l-promozzjoni ta' adegwatezza fis-sistemi u, bi qbil mal-objettivi ġenerali tal-politika tal-enerġija, effiċjenza tal-enerġija kif ukoll l-integrazzjoni ta' produzzjoni tal-elettriku fuq skala kbira u żgħira minn sorsi rinnovabbli u ġenerazzjoni mqassma kemm fin-network tat-trażmissjoni kif ukoll f'dak tad-distribuzzjoni u l-faċilitazzjoni tat-tħaddim tagħhom fir-rigward ta' netwerks oħra tal-enerġija tal-gass jew tas-sħana;

(e)

il-faċilitazzjoni tal-aċċess għan-netwerk għal kapaċità ta' ġenerazzjoni ġdida u faċilitajiet tal-ħżin tal-enerġija, b'mod partikolari t-tneħħija ta' ostakli li jistgħu jimpedixxu d-dħul għal kompetituri ġodda fis-suq u ta' elettriku minn sorsi rinnovabbli;

(f)

jiġi żgurat li l-operaturi tas-sistema u l-utenti tas-sistema jingħataw inċentivi xierqa, kemm għall-perjodu qasir kif ukoll għal dak fit-tul, sabiex tiżdied l-effiċjenza, b'mod speċjali l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, fil-prestazzjoni tan-netwerk u sabiex titrawwem l-integrazzjoni tas-suq;

(g)

jiġi żgurat li l-konsumaturi jibbenefikaw permezz tal-funzjonament effiċjenti tas-suq nazzjonali tagħhom, waqt li tkun promossa kompetizzjoni effettiva u tgħin sabiex jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet tal-protezzjoni tal-konsumatur rilevanti;

(h)

tingħata għajnuna fil-kisba ta' standards għolja ta' servizz universali u ta' servizz pubbliku fil-provvista tal-enerġija, filwaqt li jsir kontribut għall-ħarsien tal-klijenti vulnerabbli u għall-kompatibilità tal-proċessi neċessarji ta' skambju tad-data għall-bdil mill-klijenti.

Artikolu 59

Dmirijiet u setgħat tal-awtoritajiet regolatorji

1.   L-awtoritajiet regolatorji għandhom ikollhom id-dmirijiet li ġejjin:

(a)

jiffissaw jew japprovaw, bi qbil mal-kriterji ta' trasparenza, tariffi ta' trażmissjoni jew ta' distribuzzjoni jew il-metodoloġiji tagħhom, jew it-tnejn li huma;

(b)

jiżguraw il-konformità tal-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni u tal-operaturi tas-sistema tad-distribuzzjoni, u, meta dan ikun rilevanti, il-proprjetarji tas-sistema, kif ukoll kwalunkwe impriża tal-elettriku u parteċipanti oħra fis-suq, mal-obbligi tagħhom taħt din id-Direttiva, ir-Regolament (UE) 2019/943, il-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida adottati skont l-Artikoli 59, 60 u 61 tar-Regolament (UE) 2019/943, ma' liġijiet rilevanti oħrajn tal-Unjoni, inkluż fir-rigward tal-kwistjonijiet transkonfinali, kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-ACER;

(c)

f'koordinazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet regolatorji l-oħrajn, jiżguraw konformità tal-ENTSO għall-Elettriku u tal-entità DSO tal-UE mal-obbligi tagħhom taħt din id-Direttiva, ir-Regolament (UE) 2019/943, il-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida adottati skont l-Artikoli 59, 60 u 61 tar-Regolament (UE) 2019/943, u liġijiet rilevanti oħrajn tal-Unjoni, inkluż fir-rigward ta' kwistjonijiet transkonfinali, kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-ACER, u b'mod konġunt jidentifikaw in-nonkonformità tal-ENTSO għall-Elettriku u tal-entità DSO tal-UE mal-obbligi rispettivi tagħhom; fejn l-awtoritajiet regolatorji ma kinux jistgħu jilħqu ftehim f'perjodu ta' erba' xhur wara l-bidu tal-konsultazzjonijiet sabiex b'mod konġunt jidentifikaw in-nonkonformità, il-kwistjoni għandha tiġi riferuta lill-ACER għal deċiżjoni, skont l-Artikolu 6(10) tar-Regolament (UE) 2019/942;

(d)

japprovaw il-prodotti u l-proċess ta' akkwist għal servizzi anċillari mhux tal-frekwenza;

(e)

jimplimentaw il-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida adottati skont l-Artikoli 59, 60 u 61 tar-Regolament (UE) 2019/943 permezz ta' miżuri nazzjonali jew, fejn ikun meħtieġ, miżuri kkoordinati reġjonali jew fl-Unjoni kollha;

(f)

jikkooperaw dwar kwistjonijiet transkonfinali mal-awtorità jew l-awtoritajiet regolatorji ta' dawk l-Istati Membri u mal-ACER, b'mod partikolari permezz tal-parteċipazzjoni fix-xogħol tal-Bord tar-Regolaturi tal-ACER skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2019/942;

(g)

jikkonformaw ma', u jimplimentaw, kwalunkwe deċiżjoni legalment obbligatorja rilevanti tal-Kummissjoni u tal-ACER;

(h)

jiżguraw li l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni, jagħmlu disponibbli kapaċitajiet ta' interkonnessjoni sa fejn ikun possibbli skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2019/943;

(i)

jirrapportaw kull sena lill-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-ACER dwar l-attività tagħhom u l-qadi ta' dmirijiethom inkluż dwar il-passi kollha li ttieħdu u r-riżultati li nkisbu fir-rigward ta' kull wieħed mill-kompiti elenkati f'dan l-Artikolu;

(j)

jiżguraw li ma jkunx hemm inter-sussidjarjetà bejn l-attivitajiet ta' trażmissjoni, distribuzzjoni u provvista jew attivitajiet oħra tal-elettriku jew mhux tal-elettriku;

(k)

jissorveljaw il-pjanijiet ta' investiment tal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni, u jipprovdu fir-rapport annwali tagħhom valutazzjoni tal-pjan ta' investiment tal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni fir-rigward tal-konsistenza tiegħu mal-pjan għall-iżvilupp tan-netwerk fl-Unjoni kollha; tali valutazzjoni tista' tinkludi rakkomandazzjonijiet biex jiġu emendati dawk il-pjanijiet ta' investiment;

(l)

jimmonitorjaw u jivvalutaw il-prestazzjoni tal-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni u tal-operaturi tas-sistemi ta' distribuzzjoni fir-rigward tal-iżvilupp ta' grilja intelliġenti li tippromwovi l-effiċjenza tal-enerġija u l-integrazzjoni tal-enerġija mis-sorsi rinnovabbli abbażi ta' sett limitat ta' indikaturi, u jippubblikaw rapport nazzjonali kull sentejn, li jkun jinkludi rakkomandazzjonijiet;

(m)

jistabbilixxu jew japprovaw standards u rekwiżiti għall-kwalità tas-servizz u l-kwalità tal-forniment jew jikkontribwixxu għalihom, flimkien ma' awtoritajiet kompetenti oħra u jissorveljaw il-konformità u jirrevedu l-prestazzjoni fl-imgħoddi tas-sigurtà tan-netwerk u r-regoli ta' affidabilità u;

(n)

jissorveljaw il-livell ta' trasparenza, inkluż tal-prezzijiet tal-bejgħ bl-ingrossa, u jiżguraw il-konformità mal-obbligi ta' trasparenza min-naħa tal-impriżi tal-elettriku;

(o)

jissorveljaw il-livell u l-effikaċja ta' ftuħ tas-suq u ta' kompetizzjoni fil-livelli tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut, inklużi l-iskambji tal-elettriku, il-prezzijiet għall-klijenti domestiċi inklużi s-sistemi ta' ħlas minn qabel, l-impatt tal-kuntratti dwar prezz dinamiku tal-elettriku u tal-użu tas-sistemi tal-kejl intelliġenti, ir-rati ta' bdil, ir-rati ta' skonnessjoni, it-tariffi għas-servizzi ta' manutenzjoni, t-twettiq ta' servizzi ta' manutenzjoni, ir-relazzjoni bejn il-prezzijiet domestiċi u l-prezzijiet bl-ingrossa, l-evoluzzjoni tat-tariffi u l-imposti tal-grilja u lmenti tal-klijenti domestiċi, kif ukoll kwalunkwe distorsjoni jew restrizzjoni tal-kompetizzjoni, anke billi jipprovdu kwalunkwe informazzjoni rilevanti u jinfurmaw lill-awtoritajiet rilevanti tal-kompetizzjoni dwar kwalunkwe każ rilevanti;

(p)

jissorveljaw il-prattiċi kuntrattwali restrittivi, inkluż klawżoli ta' esklussività, li jistgħu jimpedixxu konsumaturi milli jagħmlu kuntratt fl-istess ħin ma' aktar minn fornitur wieħed jew li jirrestrinġu l-għażla tagħhom li jagħmlu dan, u fejn xieraq, jinformaw lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni b'tali prattiċi;

(q)

jissorveljaw iż-żmien li jittieħed minn operaturi ta' sistemi ta' trażmissjoni u operaturi ta' sistemi ta' distribuzzjoni biex isiru konnessjonijiet u tiswijiet;

(r)

li jiżguraw, flimkien ma' awtoritajiet rilevanti oħra, li l-miżuri ta' ħarsien tal-konsumaturi, jkunu effettivi u infurzati;

(s)

jippubblikaw rakkomandazzjonijiet, għall-anqas kull sena, dwar il-konformità tal-prezzijiet tal-provvista mal-Artikolu 5, u jibagħtu dawk ir-rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti, meta dan ikun xieraq;

(t)

jiżguraw l-aċċess nondiskriminatorju għad-data dwar il-konsum tal-klijent, il-forniment, għal użu fakultattiv, ta' format armonizzat li jinftiehem faċilment fil-livell nazzjonali għad-data dwar il-konsum u l-aċċess malajr għad-data għall-konsumaturi kollha skont l-Artikoli 23 u 24;

(u)

jissorveljaw l-implimentazzjoni tar-regoli relatati mar-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni, tal-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni, tal-fornituri, tal-klijenti u ta' parteċipanti oħrajn fis-suq skont ir-Regolament (UE) 2019/943;

(v)

jissorveljaw l-investiment fil-kapaċitajiet ta' ġenerazzjoni u ta' ħżin fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista;

(w)

jissorveljaw il-kooperazzjoni teknika bejn l-Unjoni u l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni ta' pajjiż terz;

(x)

jikkontribwixxu għall-kompatibilità ta' proċessi ta' skambju ta' data għall-proċessi tas-suq l-aktar importanti fuq livell reġjonali;

(y)

jissorveljaw id-disponibbiltà ta' għodod tat-tqabbil, li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 14;

(z)

li jissorveljaw it-tneħħija ta' restrizzjonijiet u ostakli mhux ġustifikati għall-iżvilupp ta' konsum tal-elettriku li jiġġeneraw huma stess u komunitajiet tal-enerġija taċ-ċittadin.

2.   Meta Stat Membru jkun ipprovda hekk, id-doveri tas-sorveljanza stipulati fil-paragrafu 1 jistgħu jitwettqu minn awtorità oħra barra l-awtorità regolatorja. F'każ bħal dan, l-informazzjoni li tirriżulta minn dan il-monitoraġġ għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtorità regolatorja kemm jista' jkun malajr.

Filwaqt li jżommu l-indipendenza tagħhom, mingħajr preġudizzju għall-kompetenza speċifika tagħhom stess u b'mod konsistenti mal-prinċipji ta' regolamentazzjoni aħjar, l-awtoritajiet regolatorji għandhom, fejn ikun il-każ, jikkonsultaw mal-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni u, fejn ikun il-każ, jikkooperaw mill-qrib ma' awtoritajiet nazzjonali rilevanti oħra fit-twettiq tad-dmirijiet stabbiliti fil-paragrafu 1.

Kwalunkwe approvazzjoni mogħtija minn awtorità regolatorja jew mill-ACER taħt din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe użu futur debitament ġustifikat tas-setgħat tagħhom mill-awtoritajiet regolatorji taħt dan l-Artikolu jew għal kwalunkwe penali imposta minn awtoritajiet rilevanti oħra jew mill-Kummissjoni.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji jingħatawlhom is-setgħat li jippermettulhom iwettqu l-kompiti msemmija f'dan l-Artikolu b'mod effiċjenti u mingħajr dewmien. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet regolatorji għandu jkollhom għall-anqas dawn is-setgħat:

(a)

li jimponu deċiżjonijiet obbligatorji fuq l-impriżi tal-elettriku;

(b)

li jwettqu investigazzjonijiet fil-funzjonament tas-swieq tal-elettriku, u li jiddeċiedu u jimponu kwalunkwe miżura meħtieġa u proporzjonata għall-promozzjoni ta' kompetizzjoni effettiva u jiżguraw il-funzjonament korrett tas-suq. Fejn ikun opportun, l-awtoritajiet regolatorji għandhom ikollhom ukoll is-setgħa li jikkooperaw mal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni u mar-regolaturi tas-swieq finanzjarji jew mal-Kummissjoni fit-twettiq ta' investigazzjoni relatata mal-liġi tal-kompetizzjoni;

(c)

li jitolbu kwalunkwe informazzjoni mill-impriżi tal-elettriku li tkun rilevanti għall-qadi tad-dmirijiet tagħha, inkluża l-ġustifikazzjoni għal kull rifjut ta' aċċess għall-partijiet terzi, u kull informazzjoni dwar miżuri meħtieġa biex jissaħħaħ in-netwerk;

(d)

li jimponu penali effettivi, proporzjonati u dissważivi fuq impriżi tal-elettriku li ma jikkonformawx mal-obbligi tagħhom taħt din id-Direttiva, ir-Regolament (UE) 2019/943 jew kwalunkwe deċiżjoni rilevanti legalment obbligatorja tal-awtoritajiet regolatorji jew tal-ACER, jew li jipproponu li qorti kompetenti timponi dawn il-penali, inkluż is-setgħa li jimponu, jew li jipproponu l-impożizzjoni ta' penali sa 10 % tal-fatturat annwali tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni fuq l-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni jew sa 10 % tat-turnover annwali tal-impriża integrata vertikalment fuq l-impriża integrata vertikalment, fejn ikun il-każ, għan-nuqqas ta' konformità mal-obbligi rispettivi tagħhom taħt din id-Direttiva; u

(e)

drittijiet xierqa ta' investigazzjonijiet u s-setgħat rilevanti ta' istruzzjonijiet għas-soluzzjoni ta' tilwim taħt l-Artikolu 60(2) u (3).

4.   L-awtorità regolatorja, li tinsab fl-Istat Membru fejn l-ENTSO għall-Elettriku jew l-entità DSO tal-UE jkollha s-sede tagħha, għandu jkollha l-awtorità li timponi penali effikaċi, proporzjonati u dissważivi fuq dawk l-entitajiet li ma jikkonformawx mal-obbligi tagħhom fl-ambitu ta' din id-Direttiva, ir-Regolament (UE) 2019/943 jew kwalunkwe deċiżjoni rilevanti legalment obbligatorja tal-awtoritajiet regolatorji jew tal-ACER, jew li jipproponu li qorti kompetenti timponi dawn il-penali.

5.   Addizzjonalment għad-dmirijiet mogħtija lilhom taħt il-paragrafu 1 u 3 ta' dan l-Artikolu, meta operatur ta' sistema indipendenti jkun ġie maħtur taħt l-Artikolu 44, l-awtoritajiet regolatorji għandhom:

(a)

jissorveljaw il-konformità tal-proprjetarju tas-sistema tat-trażmissjoni u tal-operatur tas-sistema indipendenti mal-obbligi tagħhom skont dan l-Artikolu, u jimponu penali għan-nuqqas ta' konformità skont il-punt (d) tal-paragrafu 3;

(b)

jissorveljaw ir-relazzjonijiet u l-komunikazzjonijiet bejn l-operatur tas-sistema indipendenti u l-proprjetarju tas-sistema tat-trażmissjoni sabiex tiġi żgurata l-konformità tal-operatur tas-sistema indipendenti mal-obbligi tiegħu, u b'mod partikolari għandhom japprovaw kuntratti u jaġixxu bħala l-awtorità għas-soluzzjoni ta' tilwim bejn l-operatur tas-sistema indipendenti u l-proprjetarju tas-sistema tat-trażmissjoni fir-rigward ta' kwalunkwe lment imressaq minn kwalunkwe wieħed minnhom taħt l-Artikolu 60(2);

(c)

bla ħsara għall-proċedura skont il-punt (c) tal-Artikolu 44(2), għall-ewwel pjan ta' għaxar snin għall-iżvilupp tan-netwerk, japprovaw l-ippjanar tal-investimenti u l-pjan pluriennali għall-iżvilupp tan-netwerk preżentati tal-anqas darba kull sentejn mill-operatur tas-sistema indipendenti;

(d)

jiżguraw li t-tariffi tal-aċċess għan-netwerk miġbura minn operaturi tas-sistema indipendenti jkunu jinkludu remunerazzjoni għall-proprjetarju tan-netwerk jew il-proprjetarji tan-netwerk li tipprovdi kumpens adegwat għall-użu tal-assi tan-netwerk u ta' kwalunkwe investiment ġdid fihom, sakemm ikunu magħmula ekonomikament u b'mod effiċjenti;

(e)

ikollhom s-setgħat li jwettqu spezzjonijiet, inklużi uħud mhux imħabbra fil-bini tal-proprjetarju tas-sistema tat-trażmissjoni u tal-operatur tas-sistema indipendenti; u

(f)

jissorveljaw l-użu ta' drittijiet ta' konġestjoni miġbura mill-operatur ta' sistema indipendenti taħt l-Artikolu 19(2) tar-Regolament (UE) 2019/943.

6.   Addizzjonalment għad-dmirijiet mogħtija u s-setgħat konferiti lilhom taħt il-paragrafi 1 u 3 ta' dan l-Artikolu, meta operatur tas-sistema tat-trażmissjoni jkun inħatar skont it-Taqsima 3 tal-Kapitolu VI, l-awtoritajiet regolatorji għandhom jingħataw għall-anqas id-dmirijiet u s-setgħat li ġejjin:

(a)

li jimponu penali taħt il-punt (d) tal-paragrafu 3 għal kondotta diskriminatorja favur l-impriża integrata vertikalment;

(b)

jissorveljaw il-komunikazzjonijiet bejn l-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni u l-impriża integrata vertikalment sabiex tkun żgurata l-konformità tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni mal-obbligi tiegħu;

(c)

jaġixxu bħala awtoritajiet għas-soluzzjoni ta' tilwim bejn l-impriża integrata vertikalment u l-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni fir-rigward ta' kull ilment ippreżentat taħt l-Artikolu 60(2);

(d)

jissorveljaw ir-relazzjonijiet kummerċjali u finanzjarji inkluż is-self bejn l-impriża integrata vertikalment u l-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni;

(e)

japprovaw kull relazzjoni kummerċjali u finanzjarja bejn l-impriża integrata vertikalment u l-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni bil-kondizzjoni li dawn jikkonformaw mal-kondizzjonijiet tas-suq;

(f)

jeżiġu ġustifikazzjoni mill-impriża integrata vertikalment meta jiġu notifikati mill-uffiċjal għall-konformità taħt l-Artikolu 50(4), tali ġustifikazzjoni inkluż, b' mod partikolari, l-evidenza li turi li ma seħħet ebda kondotta diskriminatorja għall-vantaġġ tal-impriża integrata vertikalment;

(g)

iwettqu spezzjonijiet, inklużi dawk mhux imħabbra, fuq il-post tal-impriża integrata vertikalment u tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni; u

(h)

jassenjaw il-kompiti kollha jew dawk speċifiċi tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni lil operatur tas-sistema indipendenti maħtur taħt l-Artikolu 44 fil-każ ta' ksur persistenti mill-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni tal-obbligi tiegħu taħt din id-Direttiva, partikolarment fil-każ ta' kondotta diskriminatorja ripetuta għall-benefiċċju tal-impriża integrata vertikalment.

7.   L-awtoritajiet regolatorji, ħlief fejn l-ACER hija kompetenti biex tistipula u tapprova t-termini u l-kondizzjonijiet jew il-metodoloġiji għall-implimentazzjoni tal-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida skont il-Kapitolu VII tar-Regolament (UE) 2019/943 skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) 2019/942 minħabba n-natura kkoordinata tagħhom, għandhom ikunu responsabbli għall-iffissar jew l-approvazzjoni fi żmien biżżejjed qabel ma jidħlu fis-seħħ għall-inqas tal-metodoloġiji nazzjonali użati sabiex jiġu kkalkulati jew stabbiliti t-termini u l-kondizzjonijiet għal:

(a)

il-konnessjoni u l-aċċess għan-netwerks nazzjonali, inklużi t-tariffi għat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni jew il-metodoloġiji tagħhom, dawk it-tariffi jew il-metodoloġiji għandhom jippermettu li l-investimenti meħtieġa fin-netwerks jsiru b'mod li jippermetti lil dawk l-investimenti jiżguraw il-vijabbiltà tan-netwerks;

(b)

il-provvediment ta' servizzi anċillari li għandhom jitwettqu bil-mod l-aktar ekonomiku possibbli u jipprovdu inċentivi xierqa biex l-utenti tan-netwerk jibbilanċjaw l-input u l-offtakes tagħhom, fejn tali servizzi anċillari għandhom jingħataw b'mod ġust u mhux diskriminatorju u jkunu msejsa fuq kriterji oġġettivi; u

(c)

aċċess għal infrastrutturi transkonfinali, inklużi l-proċeduri għall-allokazzjoni ta' kapaċità u l-immaniġġjar tal-konġestjoni.

8.   Il-metodoloġiji jew it-termini u l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 7 għandhom ikunu ppubblikati.

9.   Bil-għan li tiżdied it-trasparenza fis-suq u l-partijiet ikkonċernati kollha jkollhom l-informazzjoni, deċiżjonijiet jew proposti meħtieġa għal deċiżjoni dwar it-tariffi ta' trażmissjoni u distribuzzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 60(3), l-awtoritajiet regolatorji għandhom jagħmlu disponibbli għall-pubbliku l-metodoloġija dettaljata u l-ispejjeż sottostanti użati għall-kalkolu tat-tariffi rilevanti tan-netwerk, filwaqt li tinżamm il-kunfidenzjalità ta' informazzjoni kummerċjali sensittiva.

10.   L-awtoritajiet regolatorji għandhom jimmonitorjaw l-immaniġġjar tal-konġestjoni tas-sistemi nazzjonali tal-elettriku inklużi l-interkonnessjonijiet, kif ukoll l-implimentazzjoni tar-regoli dwar l-immaniġġjar tal-konġestjoni. Għal dak il-għan, l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni jew l-operaturi tas-suq għandhom iressqu r-regoli tagħhom dwar l-immaniġġjar tal-konġestjoni, anke dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità, lill-awtoritajiet regolatorji. L-awtoritajiet regolatorji jistgħu jitolbu emendi għal dawn ir-regoli.

Artikolu 60

Deċiżjonijiet u lmenti

1.   L-awtoritajiet regolatorji għandu jkollhom l-awtorità li jirrikjedu lil operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni u lill-operaturi tas-sistema tad-distribuzzjoni, jekk meħtieġ, li jimmodifikaw it-termini u l-kondizzjonijiet, inklużi t-tariffi u l-metodoloġiji msemmija fl-Artikolu 59 ta' din id-Direttiva, biex jaċċertaw li huma proporzjonati u applikati b'mod mhux diskriminatorju, f'konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2019/943. F'każ ta' dewmien rigward l-iffissar tat-tariffi ta' trażmissjoni u distribuzzjoni, l-awtoritajiet regolatorji għandu jkollhom is-setgħa li jiffissaw jew japprovaw tariffi jew metodoloġiji proviżorji ta' trażmissjoni u distribuzzjoni u li jiddeċiedu dwar il-miżuri xierqa ta' kumpens fil-każ li t-tariffi jew il-metodoloġiji finali ta' trażmissjoni u distribuzzjoni jiddevjaw minn dawn it-tariffi jew metodoloġiji proviżorji.

2.   Kwalunkwe parti li jkollha lment kontra operatur tas-sistema tat-trażmissjoni jew distribuzzjoni b'rabta mal-obbligi ta' dak l-operatur skont din id-Direttiva, tista' tirreferi l-ilment lill-awtorità regolatorja li, waqt li tkun qiegħda taġixxi bħala awtorità li ssolvi t-tilwim, għandha tagħti deċiżjoni fi żmien xahrejn minn meta tkun irċeviet l-ilment. Dan il-perjodu jista' jiġi estiż b'xahrejn oħra fejn tkun qiegħda tintalab informazzjoni addizzjonali mill-awtoritajiet regolatorji. Dan il-perjodu jista' jiġi estiż bil-qbil tal-persuna li tkun għamlet l-ilment. Id-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja għandha jkollha effett obbligatorju kemm-il darba u sakemm tiġi rrevokata b'appell.

3.   Kwalunkwe parti li tkun affettwata u li jkollha d-dritt li tressaq ilment dwar deċiżjoni fuq metodoloġiji meħuda skont l-Artikolu 59 jew, fejn l-awtorità regolatorja jkollha l-obbligu li tikkonsulta ruħha dwar it-tariffi jew il-metodoloġiji proposti, din tista', fi żmien xahrejn, jew f'perjodu iqsar kif deċiż mill-Istati Membri, wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni jew il-proposta għad-deċiżjoni, tissottometti l-ilment għal reviżjoni. Tali lment ma għandux ikollu effett sospensiv.

4.   L-Istati Membri għandhom joħolqu mekkaniżmi adatti u effiċjenti għar-regolament, il-kontroll u t-trasparenza sabiex jiġi evitat abbuż ta' pożizzjoni dominanti, b'mod partikolari bi żvantaġġ għall-konsumaturi, u kwalunkwe aġir predatorju. Dawk il-mekkaniżmi għandhom jieħdu kont tad-dispożizzjonijiet tat-TFUE, u b'mod partikolari l-Artikolu 102 tiegħu.

5.   L-Istati Membri għandhom jaċċertaw li jittieħdu l-passi adatti, inklużi azzjoni amministrattiva jew proċeduri kriminali konformement mal-liġi nazzjonali tagħhom, kontra l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi responsabbli fejn ma jkunux ġew rispettati r-regoli tal-kunfidenzjalità imposti minn din id-Direttiva.

6.   L-ilmenti msemmija fil-paragrafi 2 u 3 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-eżerċitar tad-drittijiet tal-appell taħt il-liġi tal-Unjoni u/jew taħt il-liġi nazzjonali.

7.   Id-deċiżjonijiet li jittieħdu mill-awtoritajiet regolatorji għandhom ikunu motivati u ġustifikati għal kollox sabiex tkun tista' ssir reviżjoni ġuridika. Id-deċiżjonijiet għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku filwaqt li tinżamm il-kunfidenzjalità ta' informazzjoni kummerċjali sensittiva.

8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu mekkaniżmi adatti fuq il-livell nazzjonali li taħthom, entità affettwata minn deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali regolatorja jkollha d-dritt tal-appell lil korp li huwa indipendenti mill-partijiet involuti u minn kull gvern.

Artikolu 61

Kooperazzjoni reġjonali bejn l-awtoritajiet regolatorji dwar kwistjonijiet transkonfinali

1.   L-awtoritajiet regolatorji għandhom jikkooperaw mill-qrib u jikkonsultaw flimkien, b'mod partikolari fi ħdan l-ACER, u għandhom jipprovdu lil xulxin u lill-ACER, kwalunkwe informazzjoni meħtieġa biex jaqdu l-kompiti tagħhom taħt din id-Direttiva. Fir-rigward tal-informazzjoni li tiġi skambjata, l-awtorità riċeventi għandha tiżgura l-istess livell ta' kunfidenzjalità bħal dik meħtieġa mill-awtorità mittenti tal-informazzjoni kkonċernata.

2.   L-awtoritajiet regolatorji għandhom jikkooperaw tal-anqas f'livell reġjonali sabiex:

(a)

jitħeġġeġ il-ħolqien ta' arranġamenti operattivi sabiex tkun possibbli l-aħjar ġestjoni tan-netwerk, jiġu promossi skambji konġunti tal-elettriku u l-allokazzjoni ta' kapaċità transkonfinali, u sabiex ikun possibbli livell xieraq ta' kapaċità ta' interkonnessjoni, anke permezz ta' interkonnessjonijiet ġodda, fir-reġjun u bejn ir-reġjuni sabiex jitħalla lok għall-iżvilupp ta' kompetizzjoni effettiva u t-titjib tas-sigurtà tal-provvista, bla ma jkun hemm diskriminazzjoni bejn il-fornituri fi Stati Membri differenti;

(b)

jikkoordinaw is-superviżjoni konġunta tal-entitajiet li jeżerċitaw funzjonijiet fuq livell reġjonali;

(c)

jikkoordinaw, b'kooperazzjoni mal-awtoritajiet involuti l-oħra, is-superviżjoni konġunta tal-valutazzjonijiet nazzjonali, reġjonali u Ewropej tal-adegwatezza tar-riżorsi;

(d)

ikun ikkoordinat l-iżvilupp tal-kodiċijiet kollha tan-netwerks u l-linji gwida għall-operaturi rilevanti tas-sistemi ta' trażmissjoni u għal parteċipanti oħra fis-suq; u

(e)

ikun ikkoordinat l-iżvilupp tar-regoli li jiggvernaw l-immaniġġjar tal-konġestjoni.

3.   L-awtoritajiet regolatorji għandu jkollhom id-dritt li jikkonkludu ftehimiet ta' kooperazzjoni ma' xulxin sabiex titħeġġeġ il-kooperazzjoni regolatorja.

4.   L-azzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom jitwettqu, fejn ikun il-każ, f'konsultazzjoni mill-qrib ma' awtoritajiet nazzjonali rilevanti oħra u mingħajr preġudizzju għall-kompetenza speċifika tagħhom.

5.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 67 biex tissupplimenta din id-Direttiva billi tistabbilixxi linji gwida dwar il-limitu tal-kompiti tal-awtoritajiet regolatorji biex jikkooperaw flimkien u mal-ACER.

Artikolu 62

Dmirijiet u setgħat tal-awtoritajiet regolatorji fir-rigward ta' ċentri operazzjonali reġjonali

1.   L-awtoritajiet regolatorji reġjonali tar-reġjun ta' operazzjoni tas-sistema fejn ikun stabbilit ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom, b'kooperazzjoni mill-qrib ma' xulxin:

(a)

japprovaw il-proposta għall-istabbiliment ta' ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali f'konformità mal-Artikolu 35(1) tar-Regolament (UE) 2019/943;

(b)

japprovaw l-ispejjeż relatati mal-attivitajiet taċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali, li għandhom ikunu responsabbli għalihom l-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni u għandhom jitqiesu fil-kalkolu tat-tariffi, dment li jkunu raġonevoli u xierqa;

(c)

japprovaw il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet b'mod kooperattiv;

(d)

jiżguraw li ċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali jkunu mgħammra bir-riżorsi umani, tekniċi, fiżiċi u finanzjarji kollha meħtieġa biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont din id-Direttiva u biex iwettqu l-kompiti tagħhom b'mod indipendenti u imparzjali;

(e)

jipproponu, flimkien ma' awtoritajiet regolatorji oħra ta' reġjun ta' operazzjoni tas-sistema, kompiti u setgħat addizzjonali li għandhom jiġu assenjati liċ-ċentri operazzjonali reġjonali mill-Istati Membri tar-reġjun ta' operazzjoni tas-sistema;

(f)

jiżguraw il-konformità mal-obbligi skont din id-Direttiva u liġi rilevanti oħra tal-Unjoni, b'mod partikolari fir-rigward ta' kwistjonijiet transkonfinali u jikkonsultaw sabiex b'mod konġunt jidentifikaw in-nonkonformità taċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali mal-obbligi rispettivi tagħhom; fejn l-awtoritajiet regolatorji ma rnexxilhomx jilħqu qbil fi żmien erba' xhur wara l-bidu tal-konsultazzjonijiet sabiex b'mod konġunt jidentifikaw in-nonkonformità, il-kwistjoni għandha tiġi riferuta lill-ACER għal deċiżjoni, skont l-Artikolu 6(10) tar-Regolament (UE) 2019/942;

(g)

jimmonitorjaw il-prestazzjoni tal-koordinazzjoni tas-sistema u jirrapportaw kull sena lill-ACER f'dan ir-rigward f'konformità mal-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) 2019/943.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji jingħatawlhom is-setgħat li jippermettulhom iwettqu l-kompiti msemmija fil-paragrafu 1 b'mod effiċjenti u mingħajr dewmien. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet regolatorji għandu jkollhom għall-anqas dawn is-setgħat:

(a)

li jitolbu informazzjoni miċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali;

(b)

li jwettqu spezzjonijiet, inklużi dawk mhux imħabbra, fil-proprjetà taċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali;

(c)

li joħorġu deċiżjonijiet vinkolanti konġunti fuq iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali.

3.   L-awtorità regolatorja li tinsab fl-Istat Membru fejn iċ-ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali jkollu s-sede tiegħu għandu jkollha s-setgħa li timponi penali effikaċi, proporzjonati u dissważivi fuq ċ-ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali fejn dan ma jikkonformax mal-obbligi tiegħu fl-ambitu ta' din id-Direttiva, ir-Regolament (UE) 2019/943 jew kwalunkwe deċiżjoni rilevanti legalment obbligatorja tal-awtoritajiet regolatorji jew tal-ACER, jew għandu jkollha s-setgħa li tipproponi li qorti kompetenti timponi tali penali.

Artikolu 63

Konformità mal-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida

1.   Kwalunkwe awtorità regolatorja u l-Kummissjoni jistgħu jitolbu l-opinjoni tal-ACER dwar il-konformità ta' deċiżjoni meħuda minn awtorità regolatorja mal-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida msemmija f'din id-Direttiva jew fil-Kapitolu VII tar-Regolament (UE) 2019/943.

2.   L-ACER għandha tagħti l-opinjoni tagħha lill-awtorità regolatorja li tkun talbitha jew lill-Kummissjoni, rispettivament, u lill-awtorità regolatorja li tkun ħadet id-deċiżjoni kkonċernata fi żmien tliet xhur mid-data ta' riċeviment tat-talba.

3.   Fejn l-awtorità regolatorja li tkun ħadet deċiżjoni ma tikkonformax mal-opinjoni tal-ACER fi żmien erba' xhur mid-data ta' riċezzjoni tal-opinjoni, l-ACER għandha tgħarraf lill-Kummissjoni b'dan.

4.   Kwalunkwe awtorità regolatorja tista' tinforma lill-Kummissjoni fejn tqis li deċiżjoni rilevanti għall-kummerċ transkonfinali meħuda minn awtorità regolatorja oħra ma tikkonformax mal-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida msemmija f'din id-Direttiva jew fil-Kapitolu VII tar-Regolament (UE) 2019/943 fi żmien xahrejn mid-data ta' dik id-deċiżjoni.

5.   Fejn il-Kummissjoni, fi żmien xahrejn minn meta tkun ġiet infurmata mill-ACER taħt il-paragrafu 3 jew minn awtorità regolatorja taħt il-paragrafu 4, u fuq l-inizjattiva tagħha stess fi żmien tliet xhur mid-data tad-deċiżjoni, issib li d-deċiżjoni ta' awtorità regolatorja tqajjem dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mal-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida msemmija f'din id-Direttiva jew fil-Kapitolu VII tar-Regolament (UE) 2019/943, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li teżamina l-każ b'mod ulterjuri. F'każ bħal dan, għandha tistieden lill-awtorità regolatorja u lill-parteċipanti fil-proċedimenti quddiem l-awtorità regolatorja biex iressqu l-osservazzjonijiet.

6.   Fejn il-Kummissjoni tiddeċiedi li teżamina aktar il-każ, hija għandha, fi żmien ta' mhux aktar minn erba' xhur mid-data tat-tali deċiżjoni, toħroġ deċiżjoni finali:

(a)

li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra d-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja; jew

(b)

li tesiġi li l-awtorità regolatorja kkonċernata tirtira d-deċiżjoni tagħha jekk tqis minħabba li ma kienx hemm konformità mal-kodiċijiet tan-netwerk u mal-linji gwida.

7.   Fejn il-Kummissjoni ma tkunx ħadet deċiżjoni biex teżamina aktar il-każ jew deċiżjoni finali fil-limitu ta' żmien stabbiliti fil-paragrafi 5 u 6 rispettivament, għandu jitqies li ma qajmitx oġġezzjonijiet kontra d-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja.

8.   L-awtorità regolatorja għandha tikkonforma mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li titlobha sabiex tirtira d-deċiżjoni tagħha f'xahrejn u għandha tinforma lill-Kummissjoni kif meħtieġ.

9.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 67 li jissupplimenta din id-Direttiva billi tfassal linji gwida li jistabbilixxu id-dettalji tal-proċedura li għandha tiġi segwita għall-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 64

Żamma ta' reġistri

1.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-fornituri jżommu għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali, inklużi l-awtoritajiet regolatorji, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u l-Kummissjoni, għat-twettiq tal-kompiti tagħhom, għal mill-anqas ħames snin, id-data rilevanti fir-rigward tat-tranżazzjonijiet kollha fil-kuntratti tal-provvista tal-elettriku u d-derivattivi elettriċi ma' klijenti bl-ingrossa u operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni.

2.   Id-data għandha tinkludi dettalji dwar karatteristiċi finanzjarji, bħal tul ta' żmien, regoli dwar il-forniment u l-għeluq tat-tranżazzjonijiet rilevanti, il-kwantità, id-dati u l-ħinijiet tal-eżekuzzjoni u l-prezzijiet tat-tranżazzjoni, u l-mezzi għall-identifikazzjoni tal-klijent bl-ingrossa kkonċernat, kif ukoll dettalji speċifiċi dwar il-pożizzjonijiet kollha miftuħin fil-kuntratti tal-provvista tal-elettriku u tad-derivattivi tal-elettriku.

3.   L-awtoritajiet regolatorji jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu disponibbli lill-parteċipanti fis-suq, l-elementi ta' din l-informazzjoni, sakemm ma tiġix rilaxxata xi informazzjoni li tkun kummerċjalment sensittiva dwar atturi individwali fis-suq jew dwar tranżazzjonijiet individwali. Dan il-paragrafu ma għandux japplika għall-informazzjoni dwar l-istrumenti finanzjarji li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva 2014/65/UE.

4.   Dan l-Artikolu ma għandux joħloq obbligi addizzjonali vis-à-vis l-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 1 għall-entitajiet li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva 2014/65/UE.

5.   Fil-każ li l-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 1 jeħtieġu aċċess għad-data miżmuma mill-entitajiet li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva 2014/65/UE, l-awtoritajiet responsabbli taħt dik id-Direttiva għandhom jipprovdu dawk l-awtoritajiet bid-data meħtieġa.

KAPITOLU VIII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 65

Kondizzjonijiet ugwali tal-kompetizzjoni

1.   Il-miżuri li l-Istati Membri jistgħu jieħdu taħt din id-Direttiva sabiex jiżguraw kondizzjonijiet ugwali tal-kompetizzjoni għandhom ikunu kompatibbli mat-TFUE, b'mod partikolari l-Artikolu 36 tiegħu, u l-liġi tal-Unjoni.

2.   Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu proporzjonati, nondiskriminatorji u trasparenti. Dawn il-miżuri jista' jibda jkollhom effett biss wara n-notifika lill-Kummissjoni u l-approvazzjoni tagħha.

3.   Il-Kummissjoni għandha taġixxi fir-rigward tan-notifika msemmija fil-paragrafu 2 fi żmien xahrejn minn meta tasal in-notifika. Dak il-perjodu għandu jibda l-għada li tasal l-informazzjoni kollha. Jekk il-Kummissjoni ma taġixxix fi żmien dan il-perjodu ta' xahrejn, il-Kummissjoni għandha titqies li ma tqajjimx oġġezzjonijiet għall-miżuri notifikati.

Artikolu 66

Derogi

1.   L-Istati Membri li jistgħu juru li hemm problemi sostanzjali għall-operazzjoni tas-sistemi konnessi żgħar tagħhom u sistemi iżolati żgħar, jistgħu japplikaw lill-Kummissjoni għal derogi mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikoli 7 u 8 u tal-Kapitoli IV, V, u VI.

Sistemi iżolati żgħar u Franza, għall-fini ta' Korsika, jistgħu japplikaw ukoll għal deroga mill-Artikoli 4, 5 u 6.

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri dwar tali applikazzjonijiet qabel ma tittieħed xi deċiżjoni, waqt li jkun kunsidrat ir-rispett lejn il-kunfidenzjalità.

2.   Id-derogi mogħtija mill-Kummissjoni kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu limitati fiż-żmien u soġġetti għal kondizzjonijiet li għandhom l-għan li jżidu l-kompetizzjoni u l-integrazzjoni fis-suq intern u li jiżguraw li d-derogi ma jfixklux it-tranżizzjoni lejn enerġija rinnovabbli, aktar flessibilità, ħżin tal-enerġija, elettromobbiltà u rispons għad-domanda.

Għal reġjuni ultraperiferiċi fis-sens tal-Artikolu 349 TFUE, li ma jistgħux jiġu interkonnessi mas-swieq tal-Unjoni għall-elettriku, id-deroga ma għandhiex tkun limitata fiż-żmien u għandha tkun soġġetta għall-kondizzjonijiet maħsubin biex jiżguraw li d-deroga ma tfixkilx it-tranżizzjoni lejn enerġija rinnovabbli.

Id-deċiżjonijiet li jagħtu derogi għandhom jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

3.   L-Artikolu 43 ma għandux japplika għal Ċipru, il-Lussemburgu u Malta. Barra minn hekk, l-Artikoli 6 u 35 ma għandhomx japplikaw għal Malta u l-Artikoli 44, 45, 46, 47, 48, 49, 50 u 52 ma għandhomx japplikaw għal Ċipru.

Għall-finijiet tal-punt (b) tal-Artikolu 43(1), in-nozzjoni “impriża li taqdi kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet ta' ġenerazzjoni jew ta' provvista” ma għandhiex tinkludi l-klijenti finali li jaqdu xi waħda mill-funzjonijiet tal-ġenerazzjoni u/jew tal-provvista tal-elettriku, kemm direttament kif ukoll permezz ta' impriżi li għandhom kontroll fuqhom, kemm individwalment jew b'mod konġunt, sakemm il-klijenti finali inkluż l-ishma tagħhom tal-elettriku prodott f'impriżi kontrollati huma, fuq medja annwali, konsumaturi netti tal-elettriku u sakemm il-valur ekonomiku tal-elettriku li jbiegħu lil partijiet terzi huwa insinifikanti proporzjonalment għall-operazzjonijiet kummerċjali l-oħra tagħhom.

4.   Sal-1 ta' Jannar 2025, jew sa data aktar tard stabbilita f'deċiżjoni skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-Artikolu 5 ma għandux japplika għal Ċipru u Korsika.

5.   L-Artikolu 4 ma għandux japplika għal Malta sal-5 ta' Lulju 2027. Dak il-perjodu jista' jiġi estiż għal perjodu addizzjonali ieħor li ma jaqbiżx tmien snin. L-estensjoni għal perjodu addizzjonali ieħor għandha ssir permezz ta' deċiżjoni skont paragrafu 1.

Artikolu 67

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa li jiġu adottati atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġetta għall-kondizzjonijiet stipulati f'dan l-Artikolu.

2.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 61(5) u fl-Artikolu 63(9) għal perjodu ta' żmien mhux determinat mill-4 ta' Lulju 2019.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 61(5) u fl-Artikolu 63(9) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega ta' setgħat speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta' atti delegati li jkunu diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 61(5) u l-Artikolu 63(9) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma jkunx hemm oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta' dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li mhux ser joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 68

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 69

Monitoraġġ, rieżami u rappurtar mill-Kummissjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja u tirreżamina limplimentazzjoni ta' din id-Direttiva u għandha tissottometti rapport ta' progress lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bħala anness għar-Rapport dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija msemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2018/1999.

2.   Sal-31 ta' Diċembru 2025, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva u għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Jekk xieraq, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta leġiżlattiva flimkien mar-rapport jew wara li tippreżenta r-rapport.

B'mod partikolari, ir-rieżami tal-Kummissjoni għandu jivvaluta jekk il-klijenti, speċjalment dawk li huma vulnerabbli jew li jinsabu f'qagħda ta' faqar enerġetiku, humiex protetti b'mod adegwat skont din id-Direttiva.

Artikolu 70

Emendi għad-Direttiva 2012/27/UE

Id-Direttiva 2012/27/UE hija emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titolu jinbidel b'dan li ġej:

“Il-miter għall-gass naturali”;

(b)

fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sa fejn huwa teknikament possibbli, raġonevoli mil-lat finanzjarju, u proporzjonat fir-rigward tal-iffrankar potenzjali tal-enerġija, fir-rigward tal-gass naturali, il-klijenti aħħarin jingħataw miters individwali bi prezz kompetittiv li jirriflettu b'mod preċiż il-konsum proprju ta' enerġija tal-klijent aħħari u li jagħtu informazzjoni dwar il-ħin reali tal-użu.”;

(c)

il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-parti introduttorja tinbidel b'dan li ġej:

“2.   Meta, u sa fejn, l-Istati Membri jimplimentaw sistemi ta' arloġġi intelliġenti u jintroduċu arloġġi intelliġenti għall-gass naturali f'konformità mad-Direttiva 2009/73/KE:”;

(ii)

il-punti (c) u (d) jitħassru;

(2)

l-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titolu jinbidel b'dan li ġej:

“Informazzjoni dwar il-kontijiet għall-gass naturali”;

(b)

fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

“1.   Meta l-klijenti aħħarin ma jkollhomx l-arloġġi intelliġenti kif imsemmi fid-Direttiva 2009/73/KE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, sal-31 ta' Diċembru 2014, li l-informazzjoni dwar il-kontijiet għall-gass naturali tkun affidabbli, preċiża u bbażata fuq il-konsum proprju, f'konformità mal-punt 1.1 tal-Anness VII, fejn dan ikun teknikament possibbli u ekonomikament iġġustifikat.”;

(c)

fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

“2.   Il-miters installati f'konformità mad-Direttiva 2009/73/KE għandhom jippermettu l-provvista ta' informazzjoni preċiża dwar il-kontijiet li tkun ibbażata fuq il-konsum reali. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti aħħarin għandu jkollhom il-possibbiltà li jaċċessaw faċilment l-informazzjoni komplementari dwar il-konsum storiku biex b'hekk ikunu jistgħu jwettqu awtokontrolli dettaljati.”;

(3)

fl-Artikolu 11, it-titolu jinbidel b'dan li ġej:

“Spiża tal-aċċess għal informazzjoni dwar arloġġi u kontijiet għall-gass naturali”;

(4)

fl-Artikolu 13, il-kliem “Artikoli 7 sa 11” jinbidlu bil-kliem “Artikoli 7 sa 11a”;

(5)

l-Artikolu 15 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 5 huwa emendat kif ġej:

(i)

l-ewwel u t-tieni subparagrafi huma mħassra;

(ii)

it-tielet subparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

“L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni u l-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness XII.”;

(b)

il-paragrafu 8 huwa mħassar;

(6)

fl-Anness VII, it-titolu jinbidel b'dan li ġej:

“Rekwiżiti minimi għall-kontijiet u informazzjoni fil-kontijiet fuq il-bażi tal-konsum proprju ta' gass naturali”.

Artikolu 71

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw mal-Artikoli 2 sa 5, l-Artikolu 6(2) u (3), l-Artikolu 7(1), il-punt (j) u (l) tal-Artikolu 8(2), l-Artikolu 9(2), l-Artikolu 10(2) sa (12), l-Artikoli 11 sa 24, l-Artikoli 26, 28 u 29, l-Artikoli 31 sa 34 u 36, l-Artikolu 38(2), l-Artikoli 40 u 42, il-punt (d) tal-Artikolu 46(2), l-Artikoli 51 u 54, l-Artikoli 57 sa 59, l-Artikoli 61 sa 63, il-punti 1 sa 3, 5(b) u 6 tal-Artikolu 70 u l-Annessi I u II sal-31 ta' Diċembru 2020. Għandhom jgħaddu minnufih it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Madankollu, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma':

(a)

il-punt (5)(a) tal-Artikolu 70 sal-31 ta' Diċembru 2019;

(b)

il-punt (4) tal-Artikolu 70 sal-25 ta' Ottubru 2020.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva, jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza, fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Għandhom ukoll jinkludu dikjarazzjoni li fiha jingħad li referenzi għad-Direttivi mħassra minn din id-Direttiva fil-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi eżistenti għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza u kif għandha ssir dik id-dikjarazzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 72

Tħassir

Id-Direttiva 2009/72/KE titħassar b'effett mill-1 ta' Jannar 2021, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri dwar il-limitu taż-żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u d-data tal-applikazzjoni tad-Direttiva stipulati fl-Anness III.

Ir-riferenzi magħmula għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw konformement mat-tabella tal-korrelazzjoni stipulata fl-Anness IV.

Artikolu 73

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 6(1), l-Artikolu 7 (2) sa (5), l-Artikolu 8(1), il-punti (a) sa (i) u (k) tal-Artikolu 8(2) u l-Artikolu 8(3) u (4), l-Artikolu 9(1), (3), (4) u (5), l-Artikolu 10(2) sa (10), l-Artikoli 25, 27, 30, 35, u 37, l-Artikolu 38(1), (3) u (4), l-Artikoli 39, 41, 43, 44 u 45, l-Artikolu 46(1), il-punti (a), (b) u (c) u (e) sa (h) tal-Artikolu 46(2), l-Artikolu 46(3) sa (6), l-Artikolu 47 sa 50, l-Artikoli 52, 53, 55, 56, 60, 64 u 65 għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 2021.

Il-punti (1) sa (3), (5)(b) u (6) tal-Artikolu 70 għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 2021.

Il-punt (5)(a) tal-Artikolu 70 għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2020.

Il-punt (4) tal-Artikolu 70 għandu japplika mis-26 ta' Ottubru 2020.

Artikolu 74

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Ġunju 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  ĠU C 288, 31.8.2017, p. 91.

(2)  ĠU C 342, 12.10.2017, p. 79.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Marzu 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2019.

(4)  Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 55).

(5)  Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2003 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam ta' l-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (ĠU L 176, 15.7.2003, p. 37) imħassra u ssostitwita b'effett mit-2 ta' Marzu 2011 permezz tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 13 ta' Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar d-Direttiva 2003/54/KE ( ĠU L 211, 14.8.2009, p.55).

(6)  Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku (ara l-paġna 54 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(7)  Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1).

(8)  Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1).

(9)  Regolament (UE) 2019/942 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2019 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ara l-paġna 22 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(10)  Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 94).

(11)  ĠU L 198, 20.7.2006, p. 18.

(12)  Regolament (EU) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(13)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(14)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011, li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(15)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.

(16)  Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

(17)  Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1348/2014 tas-17 ta' Diċembru 2014 dwar ir-rappurtar tad-data li jimplimenta l-Artikolu 8(2) u 8(6) tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa (ĠU L 363, 18.12.2014, p. 121).

(18)  Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta' ċerti tipi ta' impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).

(19)  Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p.82).

(20)  Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64).

(21)  Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta' April 1993 dwar klawżoli inġusti f'kuntratti mal-konsumatur (ĠU L 95, 21.4.1993, p. 29).

(22)  Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar is-servizzi ta' pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35).

(23)  Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim tal-konsumaturi u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (id-Direttiva dwar l-ADR tal-konsumaturi) (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 63).

(24)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1485 tat-2 ta' Awwissu 2017 li jistabbilixxi linja gwida dwar it-tħaddim tas-sistema ta' trażmissjoni tal-elettriku (ĠU L 220, 25.8.2017, p. 1).

(25)  Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar l-installazzjoni ta' infrastruttura tal-karburanti alternattivi (ĠU L 307, 28.10.2014, p. 1).

(26)  Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji (ĠU L 169, 30.6.2017, p. 46).


ANNESS I

REKWIŻITI MINIMI GĦALL-ĦRUĠ TAL-KONTIJIET U INFORMAZZJONI DWAR IL-KONTIJIET

1.   Informazzjoni minima li għandha tiġi inkluża fil-kont u fl-informazzjoni dwar il-kont.

1.1

L-informazzjoni ewlenija li ġejja għandha tintwera b'mod prominenti lill-klijenti finali fil-kontijiet tagħhom, separata b'mod distint minn partijiet oħra tal-kont:

(a)

il-prezz li għandu jitħallas u tqassim tal-prezz fejn possibbli, flimkien ma' dikjarazzjoni ċara li s-sorsi kollha tal-enerġija jistgħu jibbenefikaw ukoll minn inċentivi li ma kinux iffinanzjati permezz tas-sisa indikat fit-tqassim tal-prezz;

(b)

id-data li fiha l-ħlas huwa dovut.

1.2

L-informazzjoni ewlenija li ġejja għandha tintwera b'mod prominenti lill-klijenti finali fil-kontijiet u fl-informazzjoni dwar il-kont tagħhom, separata b'mod distint minn partijiet oħra tal-kont u tal-informazzjoni dwar il-kont;

(a)

konsum tal-elettriku għall-perjodu kopert;

(b)

l-isem u d-dettalji ta' kuntatt tal-fornitur flimkien ma' numru ta' appoġġ għall-konsumaturi u l-indirizz tal-posta elettronika;

(c)

isem it-tariffa;

(d)

id-data tat-tmiem tal-kuntratt, jekk applikabbli;

(e)

l-informazzjoni dwar id-disponibbiltà u l-benefiċċju tal-bdil;

(f)

il-kodiċi tal-bdil tal-klijent finali jew il-kodiċi ta' identifikazzjoni uniku għall-punt tal-provvista tal-klijent finali;

(g)

informazzjoni dwar id-drittijiet tal-klijent finali fir-rigward ta' riżoluzzjoni barra l-qorti ta' tilwim, inklużi d-dettalji ta' kuntatt tal-entità responsabbli skont l-Artikolu 26;

(h)

il-punt uniku ta' kuntatt imsemmi fl-Artikolu 25;

(i)

link jew referenza għal fejn jistgħu jinstabu l-għodod ta' tqabbil imsemmija fl-Artikolu 14.

1.3

Fejn il-kontijiet huma bbażati fuq konsum attwali jew il-qari mill-bogħod mill-operatur, l-informazzjoni li ġejja għandha tkun disponibbli lill-klijenti finali, fil-kontijiet tagħhom u fil-kontijiet ta' saldu perjodiċi, flimkien magħhom jew f'referenza għalihom:

(a)

tqabbil tal-konsum tal-elettriku attwali tal-klijent finali, flimkien mal-konsum tal-elettriku tal-klijent finali għall-istess perjodu fis-sena ta' qabel f'forma grafika;

(b)

informazzjoni dwar kif jista' jsir kuntatt ma' organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, aġenziji tal-elettriku jew korpi oħra simili, inklużi indirizzi ta' siti web, minn fejn wieħed jista' jsib informazzjoni dwar il-miżuri disponibbli li jtejbu l-effiċjenza tal-enerġija għal tagħmir li juża l-enerġija;

(c)

tqabbil ma' klijent finali medju normalizzat jew skont parametri ta' referenza fl-istess kategorija ta' utenti.

2.   Il-frekwenza tal-ħruġ tal-kontijiet u l-għoti ta' informazzjoni dwar il-kontijiet:

(a)

il-ħruġ tal-kontijiet abbażi tal-konsum reali għandu jsir tal-anqas darba fis-sena;

(b)

fejn il-klijent finali ma jkollux miter li jippermetti lill-operatur li jaqrah mill-bogħod, jew fejn il-konsumatur finali jkun għażel b'mod attiv li jwaqqaf l-qari mill-bogħod f'konformità mal-liġi nazzjonali, l-informazzjoni preċiża dwar il-kontijiet abbażi tal-konsum reali għandha tkun disponibbli għall-klijent finali ta' lanqas kull sitt xhur, jew darba kull tliet xhur fuq talba jew fejn il-klijent finali għażel li jirċievi l-ħruġ tal-kontijiet b'mod elettroniku;

(c)

fejn il-klijent finali ma jkollux miter li jippermetti lill-operatur li jaqrah mill-bogħod, jew fejn il-konsumatur finali jkun għażel b'mod attiv li jwaqqfu l-qari mill-bogħod f'konformità mal-liġi nazzjonali, l-obbligi fil-punti (a) u (b) jistgħu jiġu ssodisfatti permezz ta' sistema ta' qari tal-konsum proprju mill-klijenti finali b'mod regolari, li permezz tiegħu l-klijent finali jikkomunika l-qari mill-miter lill-operatur; kontijiet jew l-informazzjoni dwar il-kontijiet tista' tkun bbażata fuq konsum stmat jew rata fissa biss meta l-klijent finali ma pprovdix qari mill-miter għal perjodu partikolari għall-kontijiet;

(d)

fejn il-klijent finali jkollu miter li jippermetti l-qari mill-bogħod mill-operatur, l-informazzjoni preċiża dwar il-kontijiet abbażi tal-konsum reali għandha tiġi pprovduta tal-anqas kull xahar; tali informazzjoni tista' wkoll issir disponibbli permezz tal-internet, u għandha tiġi aġġornata sikwit skont kif jippermetti l-apparat u s-sistemi ta' kejl użati.

3.   Tqassim tal-prezz tal-klijent finali

Il-prezz tal-klijent huwa t-total tat-tliet komponenti li ġejjin: il-komponent tal-enerġija u l-provvista, il-komponent tan-netwerk (trażmissjoni u distribuzzjoni) u l-komponent li jinkorpora t-taxxi, is-sisa, it-tariffi u l-imposti.

Fejn it-tqassim tal-prezz tal-klijent finali jiġi ppreżentat fil-kontijiet, id-definizzjonijiet komuni tat-tliet komponenti f'dak it-tqassim, stabbiliti skont ir-Regolament (UE) Nru 2016/1952 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), għandhom jintużaw fl-Unjoni kollha.

4.   Aċċess għal informazzjoni komplementari dwar il-konsum storiku

L-Istati Membri għandhom jeżiġu li, sa fejn tkun disponibbli dik l-informazzjoni komplementari dwar il-konsum storiku, tali informazzjoni titqiegħed għad-dispożizzjoni, fuq talba tal-klijent finali, lill-fornitur jew fornitur tas-servizzi maħtur mill-klijent finali.

Fejn il-klijent finali jkollu installat miter li jippermetti l-qari mill-bogħod mill-operatur, il-klijent finali għandu jkollu aċċess faċli għal informazzjoni komplementari dwar il-konsum storiku biex b'hekk ikun jista' jwettaq awtokontrolli dettaljati.

L-informazzjoni komplementari dwar il-konsum storiku għandha tinkludi:

(a)

data kumulattiva għal mill-anqas it-tliet snin preċedenti jew il-perjodu mill-bidu tal-kuntratt tal-provvista tal-elettriku, jekk dak il-perjodu jkun iqsar. Id-data għandha tikkorrispondi għall-perijodi li għalihom ġiet prodotta informazzjoni frekwenti dwar kontijiet; u

(b)

data dettaljata skont il-ħin tal-użu għal kwalunkwe ġurnata, ġimgħa, xahar u sena li ssir disponibbli lill-klijent finali mingħajr dewmien permezz tal-internet jew l-interfaċċja tal-miter, li tkopri l-perjodu ta' mill-anqas 24 xahar preċedenti jew il-perjodu mill-bidu tal-kuntratt tal-provvista tal-elettriku jekk dak il-perjodu jkun iqsar.

5.   Divulgazzjoni tas-sorsi tal-enerġija

Il-fornituri għandhom jispeċifikaw fil-kontijiet, il-kontribuzzjoni għal kull sors tal-enerġija għall-elettriku mixtri mill-klijent finali skont il-kuntratt tal-provvista tal-elettriku (divulgazzjoni fuq il-livell tal-prodott).

L-informazzjoni li ġejja għandha tkun disponibbli lill-klijenti finali fi, ma', jew indikata b'mod ċar fil-kontijiet u l-informazzjoni dwar il-kontijiet tagħhom:

(a)

il-kontribuzzjoni ta' kull sors tal-enerġija lejn it-taħlita ġenerali tal-enerġija tal-fornitur (fil-livell nazzjonali, jiġifieri fl-Istat Membru fejn ikun ġie konkluż il-kuntratt tal-provvista tal-elettriku, kif ukoll fil-livell tal-fornitur jekk il-fornitur huwa attiv f'diversi Stati Membri) matul is-sena ta' qabel b'mod komprensibbli u komparabbli b'mod ċar;

(b)

l-informazzjoni dwar l-impatt ambjentali, f'termini ta' mill-anqas tal-emissjonijiet ta' CO2 u l-iskart radjuattiv li jkun ġej mill-elettriku prodott mit-taħlita ġenerali tal-enerġija tal-fornitur matul is-sena preċedenti.

Rigward il-punt (a) tat-tieni subparagrafu fir-rigward tal-elettriku miksub permezz ta' elettriku skambjat jew importat minn impriża li tkun tinsab barra l-Unjoni, jistgħu jintużaw figuri aggregati pprovduti mill-iskambju jew mill-impriża inkwistjoni matul is-sena preċedenti.

Għad-divulgazzjoni tal-elettriku mill-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, jistgħu jintużaw garanziji tal-oriġini maħruġa skont l-Artikolu 14(10) tad-Direttiva 2012/27/UE. L-iżvelar tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli għandha ssir bl-użu tal-garanziji tal-oriġini, għajr għall-każijiet stipulati fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 19(8) tad-Direttiva (UE) 2018/2001.

L-awtorità regolatorja jew awtorità kompetenti nazzjonali oħra għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jassiguraw li l-informazzjoni mogħtija mill-fornituri lill-klijenti tagħhom skont dan il-punt hija ta' min joqgħod fuqha u hija provduta, f'livell nazzjonali, b'mod komparabbli biċ-ċar bejn l-Istati Membri.


(1)  Regolament (UE) 2016/1952 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2016 dwar l-istatistika Ewropea tal-prezzijiet tal-gass naturali u tal-elettriku li jħassar id-Direttiva 2008/92/KE (ĠU L 311, 17.11.2016, p. 1).


ANNESS II

SISTEMI TA' KEJL INTELLIĠENTI

1.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-introduzzjoni ta' sistemi ta' kejl intelliġenti fit-territorji tagħhom li tista' tkun suġġetta għal evalwazzjoni ekonomika tal-ispejjeż u l-benefiċċji kollha fuq tul ta' żmien għas-suq u għall-konsumatur individwali jew skont liema forma ta' kejl intelliġenti tkun ekonomikament raġonevoli u effiċjenti f'sens ta' nfiq u liema perjodu ta' żmien ikun fattibbli għad-distribuzzjoni tagħhom.

2.

Evalwazzjoni bħal din għandha tqis il-metodoloġija għal valutazzjoni tal-kost-benefiċċji u l-funzjonalitajiet minimi għal sistemi ta' kejl intelliġenti pprovduti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2012/148/UE (1) kif ukoll l-aqwa tekniki disponibbli biex jiġu żgurati l-ogħla livelli ta' ċibersigurtà u protezzjoni tad-data.

3.

Soġġett għal dik l-evalwazzjoni, l-Istati Membri jew fejn Stat Membru jkun ippreveda hekk, l-awtorità kompetenti maħtura, għandha tħejji kalendarju b'mira sa għaxar snin għall-implimentazzjoni ta' sistemi ta' kejl intelliġenti. Fejn l-introduzzjoni ta' sistemi ta' kejl intelliġenti tingħata evalwazzjoni pożittiva, tal-anqas 80 % tal-klijenti finali għandhom jingħataw miters intelliġenti jew fi żmien seba' snin mid-data tal-evalwazzjoni pożittiva jew sal-2024 għal dawk l-Istati Membri li jkunu bdew l-introduzzjoni sistematika ta' sistemi ta' kejl intelliġenti qabel l-4 ta' Lulju 2019.

(1)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2012/148/UE tad- 9 ta' Marzu 2012 dwar it-tħejjijiet għall-introduzzjoni ta' sistemi ta' metraġġ intelliġenti (ĠU L 73, 13.3.2012, p. 9).


ANNESS III

SKADENZA GĦAT-TRASPOŻIZZJONI FIL-LIĠI NAZZJONALI U D-DATA TA' APPLIKAZZJONI

(IMSEMMIJIN FL-ARTIKOLU 72)

Direttiva

Limitu ta' żmien għat-traspożizzjoni

Data tal-applikazzjoni

Id-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 211, 14.8.2009, p. 55)

3 ta' Marzu 2011

3 ta' Settembru 2009


ANNESS IV

TABELLA TA' KORRELAZZJONI

Direttiva 2009/72/KE

Din id-Direttiva

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 33 u Artikolu 41

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikolu 32

Artikolu 6

Artikolu 34

Artikolu 7

Artikolu 7

Artikolu 8

Artikolu 8

Artikolu 3(1)

Artikolu 9(1)

Artikolu 3(2)

Artikolu 9(2)

Artikolu 3(6)

Artikolu 9(3)

Artikolu 3(15)

Artikolu 9(4)

Artikolu 3(14)

Artikolu 9(5)

Artikolu 3(16)

Artikolu 3(4)

Artikolu 10(1)

Anness I. 1(a)

Artikolu 10(2) u (3)

Anness I. 1(b)

Artikolu 10(4)

Anness I. 1(c)

Artikolu 10(5)

Anness I. 1(d)

Artikolu 10(6) u (8)

Artikolu 10(7)

Anness I. 1(f)

Artikolu 10(9)

Anness I. 1(g)

Artikolu 10(10)

Artikolu 3(7)

Artikolu 10(11)

Anness I. 1(j)

Artikolu 10(12)

Artikolu 3(10)

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikolu 6

Artikolu 11

Artikolu 3(5)(a) u l-Anness I. 1(e)

Artikolu 12

Artikolu 13

Artikolu 14

Artikolu 15

Artikolu 16

Artikolu 17

Artikolu 18

Artikolu 3(11)

Artikolu 19(1)

Artikolu 19(2) sa (6)

Artikolu 20

Artikolu 21

Artikolu 22

Artikolu 23

Artikolu 24

Artikolu 3(12)

Artikolu 25

Artikolu 3(13)

Artikolu 26

Artikolu 3(3)

Artikolu 27

Artikolu 3(7)

Artikolu 28(1)

Artikolu 3(8)

Artikolu 28(2)

Artikolu 29

Artikolu 24

Artikolu 30

Artikolu 25

Artikolu 31

Artikolu 32

Artikolu 33

Artikolu 34

Artikolu 26

Artikolu 35

Artikolu 36

Artikolu 27

Artikolu 37

Artikolu 28

Artikolu 38

Artikolu 29

Artikolu 39

Artikolu 12

Artikolu 40(1)

Artikolu 40(2) sa (8)

Artikolu 16

Artikolu 41

Artikolu 23

Artikolu 42

Artikolu 9

Artikolu 43

Artikolu 13

Artikolu 44

Artikolu 14

Artikolu 45

Artikolu 17

Artikolu 46

Artikolu 18

Artikolu 47

Artikolu 19

Artikolu 48

Artikolu 20

Artikolu 49

Artikolu 21

Artikolu 50

Artikolu 22

Artikolu 51

Artikolu 10

Artikolu 52

Artikolu 11

Artikolu 53

Artikolu 54

Artikolu 30

Artikolu 55

Artikolu 31

Artikolu 56

Artikolu 35

Artikolu 57

Artikolu 36

Artikolu 58

Artikolu 37(1)

Artikolu 59(1)

Artikolu 37(2)

Artikolu 59(2)

Artikolu 37(4)

Artikolu 59(3)

Artikolu 59(4)

Artikolu 37(3)

Artikolu 59(5)

Artikolu 37(5)

Artikolu 59(6)

Artikolu 37(6)

Artikolu 59(7)

Artikolu 37(8)

Artikolu 37(7)

Artikolu 59(8)

Artikolu 59(9)

Artikolu 37(9)

Artikolu 59(10)

Artikolu 37(10)

Artikolu 60(1)

Artikolu 37(11)

Artikolu 60(2)

Artikolu 37(12)

Artikolu 60(3)

Artikolu 37(13)

Artikolu 60(4)

Artikolu 37(14)

Artikolu 60(5)

Artikolu 37(15)

Artikolu 60(6)

Artikolu 37(16)

Artikolu 60(7)

Artikolu 37(17)

Artikolu 60(8)

Artikolu 38

Artikolu 61

Artikolu 62

Artikolu 39

Artikolu 63

Artikolu 40

Artikolu 64

Artikolu 42

Artikolu 43

Artikolu 65

Artikolu 44

Artikolu 66

Artikolu 45

Artikolu 67

Artikolu 46

Artikolu 68

Artikolu 47

Artikolu 69

Artikolu 70

Artikolu 49

Artikolu 71

Artikolu 48

Artikolu 72

Artikolu 50

Artikolu 73

Artikolu 51

Artikolu 74

Anness I, punti 1 sa 4

Artikolu 3(9)

Anness I. 5

Anness I.2

Anness II

Anness III

Anness IV