ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 118

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 61
14 ta' Mejju 2018


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/700 tat-8 ta' Mejju 2018 li jemenda l-lista ta' stabbilimenti ta' pajjiżi terzi li minnhom hija permessa l-importazzjoni ta' prodotti speċifiċi li joriġinaw mill-annimali, rigward ċerti stabbilimenti mill-Brażil ( 1 )

1

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/701 tat-8 ta' Mejju 2018 li jidderoga mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 fir-rigward tad-data finali għat-tressiq tal-applikazzjoni unika, tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew tat-talbiet għall-ħlas, id-data finali għan-notifika tal-emendi fl-applikazzjoni unika jew fit-talba għall-ħlas u d-data finali għal applikazzjonijiet għall-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagamenti jew iż-żieda fil-valur tad-drittijiet għall-pagamenti permezz tal-iskema ta' pagament bażiku għas-sena 2018

5

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/702 tat-8 ta' Mejju 2018 li tikkonċerna d-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati mid-Danimarka dwar iż-żieda tan-nitrit ma' ċerti prodotti tal-laħam (notifikata bid-dokument C(2018) 2721)

7

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/703 tat-8 ta' Mejju 2018 dwar il-konformità tar-rati unitarji fiż-żona tal-imposti tal-Iżvizzera għas-snin 2015, 2016 u 2018 skont l-Artikolu 17 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013 (notifikata bid-dokument C(2018) 2726)  ( 1 )

16

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/704 tat-8 ta' Mejju 2018 dwar il-konformità tar-rati unitarji għaż-żoni tal-imposti mar-Regolamenti ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013 skont l-Artikolu 17 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (KE) Nru 391/2013 (notifikata bid-dokument C(2018) 2729)  ( 1 )

18

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

14.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 118/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/700

tat-8 ta' Mejju 2018

li jemenda l-lista ta' stabbilimenti ta' pajjiżi terzi li minnhom hija permessa l-importazzjoni ta' prodotti speċifiċi li joriġinaw mill-annimali, rigward ċerti stabbilimenti mill-Brażil

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (1), u b'mod partikoalri l-Artikolu 12(4)(c) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali. B'mod partikolari, l-Artikolu 12(1) ta' dak ir-Regolament jistipula li l-prodotti li joriġinaw mill-annimali jistgħu jiġu importati fl-Unjoni biss jekk joriġinaw minn stabbilimenti ta' pajjiżi terzi li jidhru fuq il-listi mfassla u aġġornati f'konformità ma' dak l-Artikolu. Dawk il-listi jistgħu jiġu kkonsultati fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari (2).

(2)

L-Artikolu 12(2) tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 jitlob li l-istabbilimenti ta' pajjiżi terzi jitpoġġew fuq dawn il-listi biss jekk l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz jiggarantixxu li dawn l-istabbilimenti jkunu konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti f'dak l-Artikolu. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 12(3) tar-Regolament (KE) Nru 854/2004, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz ikkonċernat iżommu dawn il-listi bl-istabbilimenti aġġornati u jgħadduhom, kif xieraq, lill-Kummissjoni.

(3)

L-Artikolu 12(4)(c) tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 jitlob li l-Kummissjoni tieħu l-azzjoni neċessarja li twassal għall-emendi fil-listi bl-istabbilimenti, kull meta tqis li dawn l-emendi jkunu neċessarji fid-dawl ta' informazzjoni rilevanti, bħal rapporti ta' spezzjoni tal-Unjoni jew notifika mill-Istati Membri permezz tas-Sistema ta' Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf (RASFF) stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(4)

Minn Marzu 2017, permezz tar-RASFF, l-Istati Membri nnotifikaw lill-Kummissjoni b'għadd sinifikanti ta' każijiet serji u ripetuti ta' nuqqas ta' konformità minħabba l-preżenza tas-Salmonella fil-laħam tal-pollam u fil-preparazzjonijiet tal-laħam tal-pollam li joriġinaw minn diversi stabbilimenti fil-Brażil. L-awtoritajiet kompetenti Brażiljani ġew infurmati b'dawn il-każijiet ta' nonkonformità mar-rekwiżiti tal-Unjoni u ntalbu jieħdu l-azzjonijiet korrettivi neċessarji.

(5)

L-informazzjoni li waslet mill-awtoritajiet kompetenti Brażiljani u r-riżultati tal-kontrolli uffiċjali mal-fruntieri tal-Unjoni ma wrewx li ttieħdu l-azzjonijiet korrettivi rekwiżiti biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet identifikati. Għaldaqstant, m'hemmx biżżejjed garanziji li sal-lum, dawk l-istabbilimenti jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Unjoni u għalhekk il-prodotti tagħhom jistgħu ikunu ta' riskju għas-saħħa pubblika. Huwa għalhekk neċessarju li jitneħħew mil-lista ta' stabbilimenti li minnhom huma awtorizzati l-importazzjonijiet ta' prodotti tal-pollam fl-Unjoni.

(6)

F'Marzu 2018, skont l-informazzjoni li pprovdew l-awtoritajiet kompetenti Brażiljani, instabu każijiet ta' frodi fil-Brażil dwar iċ-ċertifikazzjoni fil-laboratorju għal-laħam u għall-prodotti tal-laħam esportati lejn l-Unjoni. F'dan ir-rigward, l-investigazzjonijiet u l-azzjoni reċenti tal-ġudikatura fil-Brażil li għaddejjin bħalissa jindikaw li m'hemmx garanziji biżżejjed li l-istabbilimenti tal-kumpaniji BRF S.A. u SHB S.A., li huma awtorizzati biex jesportaw il-laħam u l-prodotti tal-laħam lejn l-Unjoni, jikkonformaw mar-rekwiżiti rilevanti tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-prodotti tagħhom jaf ikunu ta' riskju għas-saħħa pubblika u huwa xieraq li jitneħħew mil-lista ta' stabbilimenti li minnhom huma permessi l-importazzjonijiet ta' laħam u prodotti tal-laħam lejn l-Unjoni.

(7)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-listi ta' stabbilimenti msemmija fl-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 li minnhom huma permessi l-importazzjonijiet ta' prodotti speċifiċi li joriġinaw mill-annimali lejn l-Unjoni għandhom jiġu emendati kif indikat fl-Anness.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tieni jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Mejju 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206.

(2)  https://ec.europa.eu/food/safety/international_affairs/trade/non-eu-countries_en

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).


ANNESS

(1)

Fil-lista ta' stabbilimenti awtorizzati li jimportaw laħam tal-ungulati domestiċi mill-Brażil (taqsima I), titneħħa l-entrata li ġejja:

Numru tal-approvazzjoni

Isem

Belt

Reġjun

Attivitajiet

Rimarka

928

BRF S. A.

Ponta Grossa

Paraná

CS

2

(2)

Fil-lista ta' stabbilimenti awtorizzati li jimportaw laħam minn pollam u lagomorfi mill-Brażil (taqsima II), jitneħħew l-entrati li ġejjin:

Numru tal-approvazzjoni

Isem

Belt

Reġjun

Attivitajiet

Rimarka

1

BRF S. A.

Concordia

Santa Catarina

CP, CS, SH

A

18

BRF S. A.

Dourados

Mato Grosso do Sul

CP, SH

A

103

BRF S. A.

Serafina Correa

Rio Grande do Sul

CP, CS, SH

A

104

BRF S. A.

Chapeco

Santa Catarina

CP, CS, SH

A

466

BRF S. A.

Capinzal

Santa Catarina

CP, CS, SH

A

928

BRF S. A.

Ponta Grossa

Paraná

CS

2

1001

BRF S. A.

Rio Verde

Goias

CP, CS, SH

A

2014

BRF S. A.

Marau

Rio Grande do Sul

CP, CS, SH

A

2518

SHB Comercio e Industria de Alimentos S. A.

Francisco Beltrao

Paraná

CP, CS, SH

A

4567

SHB Comercio e Industria de Alimentos S. A.

Nova Mutum

Mato Grosso

CP, CS, SH

A

(3)

Fil-lista ta' stabbilimenti awtorizzati li jimportaw kapuljat, preparazzjonijiet tal-laħam u laħam separat mekkanikament mill-Brażil (taqsima V), jitneħħew l-entrati li ġejjin:

Numru tal-approvazzjoni

Isem

Belt

Reġjun

Attivitajiet

Rimarka

1

BRF S. A.

Concordia

Santa Catarina

MP

48, A

18

BRF S. A.

Dourados

Mato Grosso do Sul

MP

48, A

103

BRF S. A.

Serafina Correa

Rio Grande do Sul

MP

48, A

104

BRF S. A.

Chapeco

Santa Catarina

MP

48, A

292

BRF S. A.

Varzea Grande

Mato Grosso

MP

48, A, B

466

BRF S. A.

Capinzal

Santa Catarina

MP

48, A

516

Copacol-Cooperativa Agroindustrial Consolata

Cafelandia

Paraná

MP

48, A

797

Cooperativa Agroindustrial - Copagril

Marechal Cándido Rondon

Paraná

MP

48, A

1001

BRF S. A.

Rio Verde

Goias

MP

48, A

2014

BRF S. A.

Marau

Rio Grande do Sul

MP

48, A

2518

SHB Comercio e Industria de Alimentos S. A.

Francisco Beltrao

Paraná

MP

48, A

2758

Zanchetta Alimentos Ltda

Boituva

São Paulo

MP

48, A

3404

Sao Salvador Alimentos S/A

Itaberai

Goias

MP

48, A

3409

Bello Alimentos Ltda

Itaquirai

Mato Grosso do Sul

MP

A

3887

Coopavel - Cooperativa Agroindustrial

Cascavel

Paraná

MP

48, A

4232

Avenorte Avicola Cianorte Ltda

Cianorte

Paraná

MP

A

4444

LAR Cooperativa Agroindustrial

Matelandia

Paraná

MP

48, A

4567

SHB Comercio e Industria de Alimentos S. A.

Nova Mutum

Mato Grosso

MP

48, A

(4)

Fil-lista ta' stabbilimenti awtorizzati li jimportaw prodotti tal-laħam mill-Brażil (taqsima VI), jitneħħew l-entrati li ġejjin:

Numru tal-approvazzjoni

Isem

Belt

Reġjun

Attivitajiet

Rimarka

104

BRF S. A.

Chapeco

Santa Catarina

PP

22, A

292

BRF S. A.

Varzea Grande

Mato Grosso

PP

22, A, B

466

BRF S. A.

Capinzal

Santa Catarina

PP

22, A

716

BRF S. A.

Toledo

Paraná

PP

22, A

1001

BRF S. A.

Rio Verde

Goias

PP

22, A

2014

BRF S. A.

Marau

Rio Grande do Sul

PP

22, A

Didaskalija tal-attivitajiet:

CP

Impjant tat-tqattigħ

CS

Imħażen tal-Friża

MP

Impjant għall-preparazzjoni tal-laħam

PP

Impjant tal-ipproċessar

CP, SH

Biċċerija

Didaskalija bir-rimarki:

2.

Laħam ippakkjat biss.

48.

Kapuljat mil-laħam tal-pollam u laħam tal-pollam separat mekkanikament huma esklużi.

A

Pollam

B

Bovinae


14.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 118/5


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/701

tat-8 ta' Mejju 2018

li jidderoga mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 fir-rigward tad-data finali għat-tressiq tal-applikazzjoni unika, tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew tat-talbiet għall-ħlas, id-data finali għan-notifika tal-emendi fl-applikazzjoni unika jew fit-talba għall-ħlas u d-data finali għal applikazzjonijiet għall-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagamenti jew iż-żieda fil-valur tad-drittijiet għall-pagamenti permezz tal-iskema ta' pagament bażiku għas-sena 2018

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b'mod partikolari l-punt (b) tal-ewwel paragrafu u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 78 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 (2) jistipula d-data finali għat-tressiq tal-applikazzjoni unika, tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew tat-talbiet għall-ħlas, id-data finali għan-notifika tal-emendi fl-applikazzjoni unika jew fit-talba għall-ħlas u għad-data finali għat-tressiq ta' applikazzjonijiet għall-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagamenti jew għaż-żieda fil-valur tad-drittijiet għall-pagamenti permezz tal-iskema ta' pagament bażiku.

(2)

L-Istati Membri qegħdin jimplimentaw xi bidliet fis-sistema amministrattiva tagħhom għall-pagamenti diretti li jirriżultaw mill-emendi magħmula bir-Regolament (UE) 2017/2393 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li jinvolvu inter alia riorganizzazzjoni tas-sistemi tat-teknoloġija tal-informatika, it-tibdil fil-proċeduri u l-attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni lejn benefiċjarji biex tinfurmahom dwar ir-rekwiżiti legali l-ġodda. Barra minn hekk, xi Stati Membri jesperjenzaw dewmien fl-implimentazzjoni tal-applikazzjoni għall-għajnuna abbażi ta' strumenti ġeospazjali. B'riżultat ta' dan, kien hemm diffikultajiet amministrattivi eċċezzjonali fl-Istati Membri.

(3)

Dik is-sitwazzjoni affettwat il-possibbiltà li l-benefiċjarji jressqu l-applikazzjoni unika, l-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew it-talbiet għall-ħlas u l-applikazzjonijiet għall-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagamenti jew għaż-żieda fil-valur tad-drittijiet għall-pagamenti permezz tal-iskema ta' pagament bażiku fil-limiti taż-żmien stipulati fl-Artikoli 13(1) u 22(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014.

(4)

Minħabba dik is-sitwazzjoni, jixraq li tiġi stipulata deroga mill-Artikoli 13(1) u 22(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 sabiex għall-2018, l-Istati Membri jkunu jistgħu jiffissaw data finali għat-tressiq tal-applikazzjoni unika, tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew tat-talbiet għall-ħlas u data finali għat-tressiq ta' applikazzjonijiet għall-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagamenti jew iż-żieda fil-valur tad-drittijiet għall-pagamenti permezz tal-iskema ta' pagament bażiku, u dawn id-dati jkunu aktar tard minn dawk stipulati f'dawk l-Artikoli. Billi d-dati u l-perjodi msemmija fl-Artikoli 11(4), 15(2) u (2a) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 huma marbuta mad-data finali stipulata fl-Artikolu 13(1) ta' dak ir-Regolament, jenħtieġ li tiġi stipulata deroga simili għan-notifika tar-riżultati tal-kontrolli preliminari u tal-emendi fl-applikazzjoni unika jew fit-talba għall-ħlas.

(5)

Billi dawn id-derogi jenħtieġ li jkopru l-applikazzjoni unika, l-applikazzjonijiet għall-għajnuna u t-talbiet għall-ħlas, l-emendi fl-applikazzjoni unika jew fit-talba għall-ħlas u l-applikazzjonijiet għall-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagamenti għas-sena 2018, jixraq li dan ir-Regolament ikun japplika għall-applikazzjonijiet u għat-talbiet għall-ħlas li għandhom x'jaqsmu mas-sena 2018.

(6)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Pagamenti Diretti u tal-Kumitat għall-Iżvilupp Rurali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

B'deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, għas-sena 2018, id-dati finali li jridu jiffissaw l-Istati Membri għat-tressiq tal-applikazzjoni unika, tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew tat-talbiet għall-ħlas ma għandhomx ikunu aktar tard mill-15 ta' Ġunju.

Artikolu 2

B'deroga mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 għas-sena 2018, fl-Istati Membri li jużaw id-deroga stipulata fl-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament, l-emendi fl-applikazzjoni unika jew fit-talba għall-ħlas skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 għandhom jiġu nnotifikati lill-awtorità kompetenti sal-15 ta' Ġunju.

Artikolu 3

Id-derogi stipulati fl-Artikoli 1 u 2 għandhom japplikaw ukoll fl-Istati Membri kkonċernati biex jiġu kkalkulati l-perjodi ta' 26 jum, 35 jum u 10 ijiem kalendarji, rispettivament, wara d-data finali għat-tressiq tal-applikazzjoni unika, tal-applikazzjoni għall-għajnuna jew tat-talbiet għall-ħlas u d-data finali għan-notifika tal-emendi kif imsemmija fl-Artikoli 11(4) u 15(2a) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014.

Artikolu 4

B'deroga mill-Artikolu 22(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, għas-sena 2018, id-data li jridu jiffissaw l-Istati Membri għat-tressiq tal-applikazzjonijiet għall-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagamenti jew iż-żieda fil-valur tad-drittijiet għall-pagamenti permezz tal-iskema ta' pagament bażiku, ma għandhiex tkun aktar tard mill-15 ta' Ġunju.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan japplika għall-applikazzjonijiet u għat-talbiet għall-ħlas li għandhom x'jaqsmu mas-sena 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Mejju 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 tas-17 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta' amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità (ĠU L 227, 31.7.2014, p. 69).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2017/2393 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2017 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), (UE) Nru 1306/2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni, (UE) Nru 1307/2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni, (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u (UE) Nru 652/2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-ġestjoni tan-nefqa marbuta mal-katina alimentari, mas-saħħa tal-annimali u mat-trattament xieraq tal-annimali, u marbuta mas-saħħa tal-pjanti u mal-materjal riproduttiv tal-pjanti (ĠU L 350, 29.12.2017, p. 15).


DEĊIŻJONIJIET

14.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 118/7


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/702

tat-8 ta' Mejju 2018

li tikkonċerna d-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati mid-Danimarka dwar iż-żieda tan-nitrit ma' ċerti prodotti tal-laħam

(notifikata bid-dokument C(2018) 2721)

(It-test bid-Daniż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114(6) tiegħu,

Billi:

I.   FATTI U PROĊEDURA

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/826 (1) approvat id-dispożizzjonijiet nazzjonali Daniżi dwar iż-żieda tan-nitrit tal-potassju (E 249) u n-nitrit tas-sodju (E 250) (nitriti) mal-prodotti tal-laħam li jinsabu fl-Ordni Nru 542 tas-27 ta' Mejju 2013 dwar l-addittivi tal-ikel (BEK nr. 542 af 27.5.2013 (tilsætningbekendtgørelsen), Offentliggørelsesdato: 31.5.2013, Fødevareministeriet), li r-Renju tad-Danimarka nnotifika lill-Kummissjoni b'ittra tal-25 ta' Novembru 2014, skont l-Artikolu 114(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali huma approvati sat-22 ta' Mejju 2018.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jistipula l-livelli u kundizzjonijiet oħra għall-użu tan-nitriti fi prodotti tal-laħam.

(3)

Skont id-Deċiżjoni (UE) 2015/826 jeħtieġ li d-Danimarka tkompli timmonitorja s-sitwazzjoni u tiġbor id-dejta dwar jekk l-applikazzjoni tal-livelli stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tilħaqx il-livell meħtieġ ta' protezzjoni u fil-każ li le, jekk dan iwassalx għal riskju inaċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem.

(4)

Permezz ta' ittra tal-10 ta' Novembru 2017, id-Danimarka nnotifikat lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħha li żżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-użu ta' addittivi tan-nitriti fi prodotti tal-laħam li ma jaqblux mar-Regolament (KE) Nru 1333/2008. B'sostenn tan-notifika tagħha, id-Danimarka ppreżentat informazzjoni li tinkludi d-dejta dwar il-konsum u l-importazzjoni ta' prodotti tal-laħam, dwar l-esponiment għan-nitriti, l-analiżi tan-nitriti fi prodotti tal-laħam, il-prevalenza tal-botuliżmu u valutazzjoni tar-riskju aġġornata mingħand l-Istitut Nazzjonali tal-Ikel tal-Università Teknika tad-Danimarka (DTU).

1.   LEĠIŻLAZZJONI TAL-UNJONI

1.1.   L-ARTIKOLU 114(4) U (6) TFUE

(5)

L-Artikolu 114(4) TFUE jipprevedi li “Jekk, wara l-adozzjoni ta' miżura ta' armonizzazzjoni mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni, Stat Membru jħoss li jkun meħtieġ li jżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali fuq il-bażi ta' neċessitajiet maġġuri msemmija fl-Artikolu 36, jew li għandhom x'jaqsmu mal-ħarsien tal-ambjent jew tal-ambjent tax-xogħol, dan għandu jinnotifika lill-Kummissjoni b'dawn id-dispożizzjonijiet kif ukoll dwar ir-raġuni għaliex għandhom jinżammu.”

(6)

Skont l-Artikolu 114(6) TFUE, il-Kummissjoni għandha, fi żmien sitt xhur min-notifika, tapprova jew tirrifjuta d-dispożizzjonijiet nazzjonali involuti wara li tkun ivverifikat jekk humiex mezz ta' diskriminazzjoni arbitrarja jew humiex restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri jew le, u jekk humiex ta' xkiel għat-tħaddim tas-suq intern jew le.

1.2.   REGOLAMENT (KE) Nru 1333/2008

(7)

Skont il-prinċipji ġenerali tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, l-approvazzjoni ta' addittiv tal-ikel tingħata biss jekk l-addittiv hu tabilħaqq neċessarju mil-lat teknoloġiku, jekk dan l-addittiv ma joħloqx riskji għas-saħħa u jekk l-użu tiegħu ma jkunx wieħed li jqarraq bil-konsumatur.

(8)

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom. Huma biss dawk l-addittivi tal-ikel inklużi fil-lista tal-Unjoni li jistgħu jitqiegħdu fis-suq kif inhuma u li jistgħu jintużaw fl-ikel skont il-kondizzjonijiet tal-użu speċifikati hemmhekk.

(9)

In-nitriti ilhom jintużaw fil-prodotti tal-laħam għal bosta għexieren ta' snin, fost oħrajn, biex jiżguraw, flimkien ma' fatturi oħra, il-preservazzjoni u s-sikurezza mikrobijoloġika tal-prodotti tal-laħam, b'mod partikolari l-prodotti tal-laħam ippreservati, filwaqt li jżommu lura, fost affarijiet oħra, il-multiplikazzjoni tal-Clostridium botulinum, il-batterja responsabbli mill-botuliżmu li hija ta' theddida għall-ħajja. Fl-istess waqt, huwa rikonoxxut li l-preżenza tan-nitriti fi prodotti tal-laħam tista' twassal għall-formazzjoni tan-nitrosammini, li xi wħud minnhom instabu li huma karċinoġeniċi. Il-leġiżlazzjoni f'dan il-qasam għandha, għaldaqstant, toħloq bilanċ bejn ir-riskju tal-formazzjoni tan-nitrosammini permezz tal-preżenza ta' nitriti fi prodotti tal-laħam, minn naħa waħda, u l-effetti pożittivi li n-nitriti jkollhom kontra l-multiplikazzjoni tal-batterji, b'mod partikolari dawk responsabbli mill-botuliżmu, min-naħa l-oħra.

(10)

Il-kategorija tal-ikel 8.3 tal-Parti E, tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008: “Prodotti tal-laħam” tistabbilixxi l-ammonti massimi għan-nitrit tal-potassju (E 249) u għan-nitrit tas-sodju (E 250) li jistgħu jiżdiedu waqt il-manifattura. L-ammont massimu miżjud huwa ta' 150 mg/kg għall-biċċa l-kbira tal-prodotti tal-laħam b'mod ġenerali, u 100 mg/kg għall-prodotti tal-laħam sterilizzati. Għal xi prodotti tal-laħam ippreservati speċifikati li jkunu saru b'mod tradizzjonali fi Stati Membri speċifiċi, l-ammont massimu miżjud huwa ta' 180 mg/kg.

(11)

B'eċċezzjoni għar-regola ġenerali, il-kategorija tal-ikel 8.3.4 tal-Parti E, tal-Anness II, tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008: “Prodotti tal-laħam ikkurati tradizzjonalment b'dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw in-nitriti u n-nitrati” tistabbilixxi l-livelli massimi tar-residwi ma' tmiem il-proċess ta' produzzjoni għal ċerti prodotti speċifikati u tradizzjonali tal-laħam ippreservat, li jiġu prodotti permezz ta' metodi ta' manifattura tradizzjonali. Hemm livelli massimi ta' residwi ta' 50 mg/kg, 100 mg/kg u 175 mg/kg li japplikaw għal gruppi differenti ta' tali prodotti, eż. 175 mg/kg għall-bejken ta' Wiltshire, għall-bejken ikkurat u mnixxef u prodotti simili, u 100 mg/kg għall-perżut ta' Wiltshire u prodotti simili.

(12)

Il-livelli massimi tar-residwi huma l-eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali tal-applikazzjoni tal-ammonti miżjuda massimi. Dawk il-livelli japplikaw biss għal prodotti speċifiċi li huma mmanifatturati b'mod tradizzjonali f'ċerti Stati Membri u li għalihom mhuwiex possibbli li jiġi kkontrollat l-ammont miżjud ta' melħ għall-preservazzjoni assorbit mil-laħam, minħabba n-natura tal-proċess ta' manifattura marbut ma' dawn il-prodotti. Il-proċess ta' produzzjoni ta' dawn il-prodotti speċifiċi huwa deskritt fir-Regolament biex ikunu jistgħu jiġu identifikati l-“prodotti simili” u jkun ċar liema prodotti huma koperti mil-livelli massimi differenti.

(13)

Il-livelli massimi fir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huma bbażati fuq l-opinjonijiet tal-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel (minn issa 'l quddiem “SCF”) tal-1990 (3) u l-1995 (4) kif ukoll tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn 'il quddiem “EFSA”) tas-26 ta' Novembru 2003 (5). L-ammonti massimi li jistgħu jinżiedu jirriflettu l-firxiet imsemmija f'dawn l-opinjonijiet xjentifiċi billi jispeċifikaw li huwa permess sa 100 mg/kg ta' nitrit fi prodotti tal-laħam sterilizzati u sa 150 mg/kg fi prodotti oħra tal-laħam. Minħabba l-varjetà kbira ta' prodotti tal-laħam (ippreservati) u ta' metodi ta' manifattura fl-Unjoni Ewropea, il-leġiżlatur tal-Unjoni sostna li ma kienx possibbli li jkun speċifikat il-livell xieraq ta' nitrit għal kull prodott.

2.   DISPOŻIZZJONIJIET NAZZJONALI NNOTIFIKATI

(14)

Id-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati mid-Danimarka fl-10 ta' Novembru 2017 jinsabu fl-Ordni Nru 1044 tal-4 ta' Settembru 2015 dwar l-addittivi f'oġġetti tal-ikel (BEK nr. 1044 af 4.9.2015, Udskriftsdato:25.9.2017, Fødevareministeriet). Dik l-Ordni temenda l-Ordni Nru 542 tas-27 ta' Mejju 2013 li kienet ġiet innotifikata qabel lill-Kummissjoni u li ġiet evalwata fil-kuntest tad-Deċiżjoni (UE) 2015/826.

(15)

L-Ordni Nru 1044 tipprevedi li n-nitriti (E 249-250) fi prodotti tal-laħam jistgħu jintużaw biss skont il-kundizzjonijiet speċifikati fl-Anness 3 tagħha. Il-gruppi tal-oġġetti tal-ikel imsemmija f'dak l-Anness jikkorrispondu mal-kategoriji tal-ikel elenkati fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 dwar l-addittivi tal-ikel u jieħdu post l-użi li jirriżultaw minnu:

Oġġett tal-ikel

Ammont ta' nitriti miżjuda (mg/kg)

8.3.1

Prodotti tal-laħam mingħajr trattament ta' sħana

Total ta' 60 mg/kg.

Iżda f'salami ffermentat, total ta' 100 mg/kg.

8.3.2

Prodotti tal-laħam ittrattati bis-sħana

Total ta' 60 mg/kg.

Fi prodotti kompletament ippreservati jew nofshom ippreservati, total ta' 150 mg/kg.

Fir-rullepølse (zalzett tal-laħam imrembel), total ta' 100 mg/kg.

Fil-pulpetti tal-laħam u fil-patè tal-fwied tradizzjonali Daniżi, 0 mg/kg.

8.3.4

Prodotti tal-laħam ikkurati tradizzjonalment b'dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw in-nitriti u n-nitrati

Total ta' 60 mg/kg.

Fil-bejken tat-tip Wiltshire u prodotti relatati, total ta' 150 mg/kg

Fil-perżut ikkurat tradizzjonali (spegeskinke) u prodotti relatati, 150 mg/kg.

(16)

Għalhekk, il-limitu massimu ta' isfel għan-nitriti (E 249 u E 250) ta' 60 mg/kg japplika għal ħafna tipi ta' prodotti tal-laħam, filwaqt li l-limiti massimi korrispondenti tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huma ta' 100 mg/kg jew 150 mg/kg.

3.   PROĊEDURA

(17)

Permezz ta' ittra tal-10 ta' Novembru 2017, id-Danimarka nnotifikat lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħha li żżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-użu ta' addittivi tan-nitriti fi prodotti tal-laħam li ma jaqblux mar-Regolament (KE) Nru 1333/2008. B'sostenn tan-notifika tagħha, id-Danimarka ppreżentat informazzjoni li tinkludi d-dejta dwar il-konsum u l-importazzjoni ta' prodotti tal-laħam, l-esponiment għan-nitriti, l-analiżi tan-nitriti fi prodotti tal-laħam, il-prevalenza tal-botuliżmu u valutazzjoni tar-riskju aġġornata mingħand l-Istitut Nazzjonali tal-Ikel tad-DTU.

(18)

Il-Kummissjoni ppubblikat avviż dwar in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (6) biex tinforma lill-partijiet interessati dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali tad-Danimarka, kif ukoll dwar ir-raġunijiet li ngħataw biex jappoġġjaw it-talba. Permezz ta' ittra tat-28 ta' Marzu 2018, il-Kummissjoni għarrfet ukoll lill-Istati Membri l-oħra dwar in-notifika u tathom l-opportunità li jippreżentaw xi kummenti dwarha fi żmien 30 jum. Il-Kummissjoni rċeviet il-kummenti matul din l-iskadenza mingħand Ċipru.

Ċipru ma jopponix ir-rikjesta tad-Danimarka biex iżżomm regoli nazzjonali aktar stretti għall-użu tan-nitriti fil-prodotti tal-laħam u jirrikonoxxi l-pożizzjoni Daniża li r-regoli rikjesti huma meħtieġa sabiex titħares is-saħħa pubblika. Ċipru jista' jaċċetta r-rikjesta bil-kundizzjoni li dawn ir-regoli ma jikkostitwixxux ostaklu għall-kummerċ jew ostaklu sproporzjonat għall-funzjonament tas-suq intern u diskriminazzjoni possibbli kontra prodotti magħmula fi Stat Membru ieħor u li huma kkumerċjalizzati fid-Danimarka.

4.   RIEVALWAZZJONI TAN-NITRITI

(19)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 257/2010 (7) ħtieġ lill-EFSA tevalwa mill-ġdid is-sigurtà tan-nitrit tal-potassju (E 249) u n-nitrit tas-sodju (E 250) bħala addittivi tal-ikel. Għal din ir-rievalwazzjoni, l-EFSA eżaminat l-opinjonijiet preċedenti tal-SCF u tal-EFSA, meta dawn kienu disponibbli, id-dossier oriġinali, id-dejta li kienet sottomessa mill-operatur(i) kummerċjali interessat(i) u/jew kwalunkwe parti interessata oħra, u d-dejta disponibbli mingħand il-Kummissjoni u l-Istati Membri, u identifikat il-letteratura rilevanti li kienet ġiet ippubblikata mill-aħħar evalwazzjoni ta' kull addittiv tal-ikel.

(20)

Id-dejta li ngħatat mid-Danimarka biex issostni n-notifika preċedenti (8) tagħha dwar il-konsum tal-prodotti tal-laħam, l-esponiment għan-nitriti, il-prevalenza tal-botuliżmu, u l-formazzjoni tan-nitrosammini fi prodotti tal-laħam ipproċessat ġiet ippreżentata lill-EFSA flimkien ma' talba biex jitqies fir-rievalwazzjoni tas-sikurezza.

(21)

Fil-15 ta' Ġunju 2017, l-EFSA ħarġet Opinjoni Xjentifika dwar l-evalwazzjoni mill-ġdid tan-nitrit tal-potassju (E 249) u tan-nitrit tas-sodju (E 250) (9). L-EFSA kisbet Doża Aċċettabbli ta' Kuljum (ADI) ta' 0,07 mg joni tan-nitrit għal kull kilogramm ta' piż tal-ġisem kuljum, u stmat li l-esponiment għan-nitriti li jirriżulta mill-użu tiegħu bħala addittiv tal-ikel ma jaqbiżx din l-ADI għall-popolazzjoni ġenerali, għajr għal eċċess żgħir fit-tfal fl-ogħla perċentil. Jekk is-sorsi kollha ta' esponiment għan-nitriti fid-dieta jitqiesu flimkien (l-addittivi tal-ikel, il-preżenza naturali u l-kontaminazzjoni), l-ADI tinqabeż fit-trabi, fit-trabi li telqu jimxu u fit-tfal fil-medja u għall-gruppi ta' etajiet kollha fl-ogħla esponiment. Il-kontribut tan-nitriti li jintużaw bħala addittivi tal-ikel, kien jirrappreżenta bejn wieħed u ieħor 17 % (firxa ta' bejn 1,5 i 36,0 %) tal-esponiment kumplessiv.

(22)

Barra minn hekk, l-EFSA kkonkludiet li l-esponiment għan-nitrosammini endoġeni ma kienx wisq ta' tħassib. F'dak li jikkonċerna l-espożizzjoni għan-nitrosammini eżoġeni l-EFSA, abbażi tar-riżultati ta' analiżi sistematika mwettqa sabiex tevalwa r-relazzjonijiet bejn in-nitriti miżjuda mal-prodotti tal-laħam u l-formazzjoni ta' xi nitrosamini volatili li huma ta' tħassib tossikoloġiku serju, ikkonkludiet li ma kienx possibbli li wieħed jiddistingwi b'mod ċar dawn il-komposti ta' N-nitrużu prodotti minn nitrit miżjud fil-limiti legali, minn dawk prodotti fil-matriċi tal-ikel fejn ma jkunx ġie miżjud nitrit. Għalhekk, l-esponiment kumplessiv li ġie kkalkulat ma jirrigwardax biss l-użu ta' nitrit bħala addittiv tal-ikel. Kien hemm xi tħassib dwar l-esponiment ġenerali għan-nitrosammini eżoġeni f'livelli għolja għall-gruppi tal-etajiet kollha ħlief għall-anzjani.

(23)

Fl-aħħar nett, l-EFSA kkonfermat li teżisti l-evidenza li torbot in-N-nitrosodimetilammina preformata u l-kanċers kolorettali u xi evidenza li torbot (i) in-nitrit fid-dieta mal-kanċers gastriċi u (ii) rabta bejn il-kombinazzjoni ta' nitrit flimkien ma' nitrat mil-laħam ipproċessat u l-kanċers kolorettali.

5.   MONITORAĠĠ MILL-KUMMISSJONI

(24)

Fl-2014, il-Kummissjoni ffinalizzat investigazzjoni preliminari biex timmonitorja l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tar-regoli tal-UE dwar in-nitriti. L-istudju kien ibbażat fuq it-tweġibiet għal kwestjonarju li ntbagħat lill-Istati Membri kollha. Minn dan irriżulta li, għajr xi eċċezzjonijiet, l-ammont tipiku ta' nitriti miżjuda mal-prodotti tal-laħam mhux sterilizzati huwa aktar baxx mill-ammont massimu tal-UE, iżda ogħla mill-livelli Daniżi. Fir-rapport ġie konkluż li trid tkompli tiġi esplorata l-possibbiltà li jiġu riveduti l-livelli massimi attwali tan-nitriti.

(25)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni nediet studju ad hoc f'dak li għandu x'jaqsam mal-użu tan-nitriti mill-industrija f'kategoriji differenti ta' prodotti tal-laħam. L-istudju, li tlesta fl-2016, ikkonkluda li hemm possibbiltà ta' reviżjoni tal-livelli massimi attwali tan-nitriti awtorizzati fil-leġiżlazzjoni tal-UE.

(26)

Il-konklużjonijiet ta' din l-investigazzjoni preliminari mal-Istati Membri, l-investigazzjoni ad hoc fir-rigward tal-użu ta' nitriti mill-industrija, l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-EFSA u d-dejta rrappurtata mid-Danimarka, għandhom jittieħdu inkonsiderazzjoni mill-Kummissjoni fil-kuntest tar-rieżami potenzjali tal-livelli massimi tan-nitriti skont ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008.

II.   VALUTAZZJONI

1.   AMMISSIBILITÀ

(27)

Skont l-Artikolu 114(4) u (6) TFUE, wara l-adozzjoni ta' miżura ta' armonizzazzjoni, Stat Membru jista' jżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali u iktar stretti tiegħu minħabba ħtiġijiet ewlenin imsemmija fl-Artikolu 36 TFUE, jew relatati mal-ħarsien tal-ambjent jew l-ambjent tax-xogħol, jekk jinnotifika dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali lill-Kummissjoni u jekk il-Kummissjoni tapprova dawn il-miżuri.

(28)

In-notifika Daniża tirreferi għal dispożizzjonijiet nazzjonali li jidderogaw minn dawk tal-Parti E tal-Anness II, tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 dwar in-nitrit tal-potassju (E 249) u n-nitrit tas-sodju (E 250). Id-dispożizzjonijiet Daniżi attwali kienu diġà jeżistu fis-sustanza tagħhom fiż-żmien meta dawn il-livelli massimi kienu ġew oriġinarjament stipulati fid-Direttiva 2006/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

(29)

L-Ordni Daniża Nru 1044 tippermetti li jinżiedu n-nitriti mal-prodotti tal-laħam dejjem sakemm l-ammonti miżjuda speċifiċi ma jinqabżux. Skont il-prodotti inkwistjoni dawn l-ammonti massimi huma 0 mg/kg, 60 mg/kg, 100 mg/kg jew 150 mg/kg, li huma iktar baxxi għal ċerti prodotti minn dawk stabbiliti fid-Direttiva (KE) Nru 1333/2008. Barra minn hekk, għall-kuntrarju tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, id-dispożizzjonijiet Daniżi ma fihom ebda eċċezzjonijiet għall-prinċipju tal-iffissar ta' ammonti massimi miżjuda għan-nitriti, u għalhekk ma jippermettux it-tqegħid fis-suq ta' ċerti prodotti tal-laħam manifatturati tradizzjonalment minn Stati Membri oħra.

(30)

Id-dispożizzjonijiet Daniżi huma għalhekk aktar stretti mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008/KE, fis-sens li dawn jistabbilixxu ammonti miżjuda massimi iktar baxxi għal diversi tipi ta' prodotti (f'ħafna każijiet 60 mg/kg) u, sakemm ma jippermettux it-tqegħid fis-suq ta' ċerti prodotti tal-laħam tradizzjonali abbażi tal-livelli residwi massimi.

(31)

Skont l-Artikolu 114(4) TFUE, in-notifika kienet issupplimentata b'deskrizzjoni tar-raġunijiet marbuta ma' waħda jew iktar mill-ħtiġijiet ewlenin imsemmija fl-Artikolu 36 TFUE, f'dan il-każ il-ħarsien tas-saħħa u l-ħajja tal-bnedmin. Memorandum tal-Ministeru Daniż għall-Ambjent u l-Ikel u valutazzjoni tar-riskju aġġornata mill-Istitut Nazzjonali tal-Ikel tad-DTU jipprovdu informazzjoni addizzjonali dwar il-konsum u l-importazzjoni ta' prodotti tal-laħam, l-esponiment għan-nitriti, l-analiżi tan-nitriti fi prodotti tal-laħam fis-suq Daniż, il-prevalenza tal-botuliżmu u l-formazzjoni tan-nitrosammini fi prodotti tal-laħam ipproċessat.

(32)

Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal iktar 'il fuq, il-Kummissjoni tqis li l-applikazzjoni mressqa mid-Danimarka bil-ħsieb li tikseb awtorizzazzjoni biex iżżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħha dwar l-użu ta' nitriti fi prodotti tal-laħam hija aċċettabbli skont l-Artikolu 114(4) TFUE.

2.   VALUTAZZJONI TAL-MERTI

(33)

Skont l-Artikolu 114(4) u (6), l-ewwel subparagrafu, TFUE, il-Kummissjoni għandha tiżgura li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li jagħtu s-setgħa lil Stat Membru li jżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu li jidderogaw minn miżura ta' armonizzazzjoni tal-Unjoni prevista f'dak l-Artikolu.

(34)

B'mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tevalwa jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali humiex iġġustifikati jew le mill-ħtiġijiet ewlenin imsemmija fl-Artikolu 36 TFUE jew marbuta mal-ħarsien tal-ambjent jew tal-ambjent tax-xogħol u ma jaqbżux dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq l-għan leġittimu mixtieq. Barra minn hekk, meta l-Kummissjoni tqis li d-dispożizzjonijiet nazzjonali jissodisfaw il-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq, hi għandha tivverifika, skont l-Artikolu 114(6) TFUE, jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali humiex mezz ta' diskriminazzjoni arbitrarja jew humiex restrizzjoni moħbija għall-kummerċ bejn l-Istati Membri jew le, u jekk jikkostitwixxux xkiel għat-tħaddim tas-suq intern jew le.

(35)

Ta' min jinnota li, fid-dawl tal-limitu ta' żmien stabbilit mill-Artikolu 114(6) TFUE, il-Kummissjoni, meta teżamina jekk il-miżuri nazzjonali notifikati skont l-Artikolu 114(4) TFUE humiex iġġustifikati, għandha tieħu bħala bażi l-ġustifikazzjoni mressqa mill-Istat Membru li jinnotifika. L-oneru tal-prova jaqa' fuq l-Istat Membru rikjedenti li jfittex li jżomm il-miżuri nazzjonali tiegħu.

(36)

Madankollu, meta l-Kummissjoni jkollha tagħrif li fid-dawl tiegħu l-miżura ta' armonizzazzjoni tal-Unjoni, li minnha jidderogaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati, jaf ikun hemm bżonn tiġi rreveduta, hi tista' tqis dan it-tagħrif fil-valutazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati.

2.1.   IL-POŻIZZJONI TAD-DANIMARKA

(37)

Id-Danimarka tiddikjara li l-leġiżlazzjoni tagħha tiżgura livell ogħla ta' ħarsien tas-saħħa u tal-ħajja tal-bniedem minħabba li tistabbilixxi ammonti miżjuda massimi aktar baxxi għan-nitriti minn dawk previsti fir-Regolament (KE) Nru 1333/2008, u ma tippermettix it-tqegħid fis-suq ta' prodotti tradizzjonali tal-laħam li għalihom ma jista' jiġi stabbilit l-ebda ammont miżjud. Id-Danimarka ssostni li d-dispożizzjonijiet tagħha ġew stabbiliti b'konformità sħiħa mal-opinjonijiet li l-SCF għamel fl-1990 u fl-1995, u tikkunsidra d-dispożizzjonijiet bħala ġustifikati fid-dawl tal-opinjoni tal-EFSA tas-26 ta' Novembru 2003 u l-valutazzjoni Daniża l-aktar reċenti tal-opinjoni tal-EFSA tal-15 ta' Ġunju 2017.

(38)

Skont id-Danimarka, il-valutazzjoni xjentifika ġenerali turi li (a) l-użu tan-nitriti u n-nitrati għandu jitnaqqas kemm jista' jkun billi jintużaw ammonti differenzjati skont il-ħtiġijiet tekniċi relatati ma' oġġetti tal-ikel differenti, (b) l-użu ta' nitriti u nitrati għandu jiġi rregolat fit-termini tal-ammonti li jiġu miżjuda pjuttost milli l-ammonti residwi, u (c) il-preservazzjoni neċessarja tintlaħaq billi jintużaw l-ammonti rrakkomandati mill-EFSA (2003). F'dan is-sens, id-Danimarka tikkunsidra li d-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħha sistematikament isegwu dawn ir-rakkomandazzjonijiet, u dan filwaqt li r-Regolament (KE) Nru 1333/2008, fejn jidħlu n-nitriti, ma jagħmilx hekk.

(39)

Id-Danimarka tikkunsidra li t-tħassib dwar l-użu tal-ammonti ta' nitriti permessi skont ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa marbut b'mod partikolari mar-riskju akbar ta' formazzjoni ta' nitrosammini. Kuntrarjament għall-opinjoni reċenti tal-EFSA, id-Danimarka tqis li l-formazzjoni tan-nitrosammini volatili u mhux volatili tiddependi mill-ammont ta' nitriti miżjuda filwaqt li l-EFSA tirrikonoxxi r-rabta biss għal dawk tal-aħħar. Huwa xjentifikament ippruvat li ħafna nitrosammini volatili huma ġenotossiċi u karċinoġeniċi u l-istudji epidemjoloġiċi l-aktar riċenti jirreferu għar-rabta bejn il-konsum ta' prodotti tal-laħam u l-iżvilupp ta' diversi forom ta' kanċer. Dan jipprovdi appoġġ għar-restrizzjonijiet tal-użu tan-nitriti bħala addittivi. Id-Danimarka tenfasizza wkoll li l-marġini sal-ADI mhuwiex kbir għat-tfal żgħar, li għandhom l-ogħla esponiment għan-nitriti skont il-kalkoli tal-konsum attwali tal-popolazzjoni Daniża.

(40)

Id-Danimarka tenfasizza wkoll li d-dispożizzjonijiet nazzjonali kienu fis-seħħ għal ħafna snin u qatt ma taw lok għal problemi bil-preservazzjoni tal-prodotti kkonċernati. Barra minn hekk, hija għandha rata relattivament baxxa ta' botuliżmu meta mqabbla ma' Stati Membri oħra tal-UE, u ma ġiex irreġistrat każ wieħed ikkawżat mill-konsum ta' prodotti tal-laħam sa mill-1980. Id-Danimarka tinnota li mill-2006 ma ġew irreġistrati l-ebda każijiet ta' botuliżmu fid-Danimarka. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet Daniżi dwar l-użu tan-nitriti fi prodotti tal-laħam xorta huma kkunsidrati li jipprovdu protezzjoni komprensiva kontra l-avvelenament bl-ikel.

(41)

Il-Memorandum tal-Ministeru Daniż tal-Ambjent u l-Ikel jipprovdi dejta addizzjonali dwar il-konsum u l-importazzjoni ta' prodotti tal-laħam, dwar l-esponiment għan-nitriti, kif ukoll dwar analiżi tan-nitriti fil-prodotti tal-laħam fis-suq Daniż.

(42)

Skont l-awtoritajiet Daniżi, it-tqabbil tad-dejta l-iktar riċenti, jiġifieri bejn l-2012 u l-2014, juri żieda fil-konsum ta' prodotti tal-laħam, inklużi l-qatgħat kesħin, li fihom in-nitriti miżjuda. Dan ikompli mat-tendenza osservata sa mill-2000 li tindika li d-Daniżi qed isiru dejjem aktar esposti għan-nitriti fil-prodotti tal-laħam li ħafna minnhom huma koperti bil-livell baxx tal-valur ta' limitu għan-nitriti ta' 60 mg/kg.

(43)

Fir-rigward tal-kummerċ, id-Danimarka tikkonkludi li, matul il-perjodu li qed jiġi evalwat, ir-regoli speċjali Daniżi ma kellhomx impatt negattiv fuq l-importazzjonijiet tal-prodotti magħżula lejn id-Danimarka, filwaqt li l-importazzjonijiet żdiedu b'madwar 5 % mill-2013 sal-2016, jekk iċ-ċifri għall-Ġermanja jiġu esklużi (11). Abbażi tal-analiżi tan-nitrit fil-prodotti tal-laħam, id-Danimarka ssostni li r-rata ta' nitrit fil-prodotti importati lejn id-Danimarka mihiex ogħla minn dik tal-prodotti Daniżi.

(44)

Fil-qosor, id-Danimarka tqis li hu leġittimu li żżomm ir-regoli nazzjonali għall-użu tan-nitriti fil-prodotti tal-laħam, li huma iktar restrittivi minn dawk rekwiżiti mir-Regolament (KE) Nru 1333/2008. Skont id-Danimarka, il-monitoraġġ li twettaq skont id-Deċiżjoni (UE) 2015/826 juri li l-kunsiderazzjonijiet tas-saħħa li tqiesu qabel għadhom validi. Finalment, hija ssostni li d-dejta disponibbli turi li d-dispożizzjonijiet Daniżi ma jikkostitwixxux ostaklu għall-kummerċ fil-prodotti kkonċernati.

2.2.   EVALWAZZJONI TAL-POŻIZZJONI DANIŻA

2.2.1.    Ġustifikazzjoni abbażi tal-ħtiġijiet ewlenin imsemmija fl-Artikolu 36 TFUE

(45)

Il-leġiżlazzjoni Daniża timmira li tikseb livell ogħla ta' ħarsien tas-saħħa u tal-ħajja tal-bnedmin b'rabta mal-esponiment għan-nitriti u mal-formazzjoni possibbli ta' nitrosammini fi prodotti tal-laħam, billi tispeċifika ammonti massimi aktar baxxi ta' nitrit miżjuda b'rabta ma' ċerti prodotti tal-laħam meta mqabbla mal-livelli massimi stipulati mir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 u ma tippermettix it-tqegħid fis-suq ta' prodotti li għalihom jistgħu jiġu stabbiliti livelli massimi ta' residwu biss.

(46)

Meta jkun qed jiġi vverifikat jekk il-leġiżlazzjoni Daniża hijiex adegwata u neċessarja biex jinkiseb dan l-għan, għandhom jitiqiesu għadd ta' fatturi. B'mod partikolari, irid jinstab bilanċ bejn żewġ riskji għas-saħħa; il-preżenza tan-nitrosammini fi prodotti tal-laħam, fuq naħa waħda, u s-sikurezza mikrobijoloġika tal-prodotti tal-laħam, fuq in-naħa l-oħra. L-aspett tal-aħħar huwa aktar minn sempliċement ħtieġa teknoloġika, iżda huwa fih innifsu tħassib dwar is-saħħa ferm rilevanti. Filwaqt li hu rikonoxxut li l-livelli ta' nitriti fil-prodotti tal-laħam iridu jiġu limitati, il-livelli aktar baxxi ta' nitrit fil-laħam mhumiex se jwasslu awtomatikament għal ħarsien akbar tas-saħħa tal-bniedem. L-aktar livell xieraq ta' nitrit jiddependi fuq għadd ta' fatturi rikonoxxuti fl-opinjonijiet rilevanti tal-SCF u tal-EFSA, eż. iż-żieda ta' melħ, l-umdità, il-pH, it-tul ta' żmien tal-prodott qabel jiskadi, l-iġjene, il-kontroll tat-temperatura, eċċ.

(47)

Il-Kummissjoni trid tevalwa l-għażliet speċifiċi li saru mir-regolatur Daniż u l-esperjenza li nkisbet b'dawn ir-regoli, li ilhom fis-seħħ għal perjodu ta' żmien konsiderevoli. Permezz taċ-ċifri li ngħataw dwar il-każijiet ta' avvelenament mill-ikel u, b'mod partikolari, il-botuliżmu, id-Danimarka wriet li sa issa kisbet riżultati sodisfaċenti bil-leġiżlazzjoni tagħha. B'mod ġenerali, id-dejta turi li l-livelli massimi speċifikati fil-leġiżlazzjoni Daniża jidhru li huma biżżejjed biex jiżguraw is-sikurezza mikrobijoloġika tal-prodotti tal-laħam immanifatturati bħalissa fid-Danimarka u tal-metodi ta' produzzjoni użati bħalissa fid-Danimarka.

(48)

B'kuntrast mar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 li jistabbilixxi l-livelli massimi ta' residwu fi tmiem il-proċess ta' produzzjoni għal ċerti prodotti speċifikati u tradizzjonali tal-laħam ippreservati, id-dispożizzjonijiet Daniżi ma fihom l-ebda eċċezzjonijiet għall-prinċipju li jkunu fissi l-ammonti miżjuda massimi. Dan japplika wkoll għall-prodotti tal-laħam ikkurati bis-salmura, li ġeneralment mhuwiex possibbli li jiġi kkontrollat fihom l-ammont miżjud ta' melħ għall-preservazzjoni li jiġi assorbit. Skont id-dejta sottomessa, id-Danimarka tissorvelja ż-żieda ta' nitriti fil-prodotti tal-laħam ikkurati bis-salmura billi jittieħdu kampjuni qrib kemm jista' jkun tal-punt tal-manifattura sabiex tinkiseb l-aktar stampa realistika tal-kwantità miżjuda ta' nitrit. Madankollu, ir-riżultati ta' żewġ kampanji ta' spezzjonijiet fuq il-limiti Daniżi tal-laħam bl-imnut juru li dawn inqabżu fi kważi 35 % tal-kampjuni kkurati bis-salmura fl-2014 u f'19 % fl-2016. L-awtoritajiet Daniżi għalhekk jipprovdu gwida ulterjuri lill-bejjiegħa tal-laħam bl-imnut dwar ir-regoli u l-fatturi li huma sinifikanti għall-assorbiment tan-nitrit matul l-ikkurar bis-salmura. Għandu jkompli jiġi segwit u kkontrollat li d-Danimarka tista' tikkonferma l-konformità u għalhekk l-adegwatezza tad-dispożizzjonijiet nazzjonali għal dawn il-prodotti.

(49)

Il-Kummissjoni tinnota li l-leġiżlazzjoni Daniża, li hija kompatibbli mal-opinjonijiet xjentifiċi rilevanti tal-korpi xjentifiċi tal-Unjoni, hija bbażata fuq regolazzjoni ta' valuri miżjuda massimi u tirrispetta l-firxiet tal-ammonti miżjuda ta' nitrit imsemmija f'dawn l-opinjonijiet, jiġifieri bejn 50 u 150 mg/kg. Fl-istess waqt, id-Danimarka stabbiliet ammonti miżjuda massimi aktar speċifiċi għal gruppi partikolari ta' prodotti tal-laħam, meta mqabbla mar-Regoalment, fid-dawl tat-tipi ta' prodotti tal-laħam u tal-metodi ta' manifattura prevalenti fid-Danimarka.

(50)

Barra minn hekk, għandu jitqies li, skont it-tagħrif mogħti mid-Danimarka, il-biċċa l-kbira tal-prodotti tal-laħam ikkonsmati mill-popolazzjoni Daniża huma prodotti tal-laħam li għalihom bħalissa hemm limitu ta' 60 mg/kg u li jkollhom jiġu sostitwiti b'limitu ta' 100 jew 150 mg/kg. Minkejja li l-manifatturi Daniżi, bħal manifatturi fi Stati Membri oħra, ma jkunux obbligati li jżidu l-ammonti ta' nitriti li bħalissa qed jiġu miżjuda mal-prodotti tagħhom għal-livelli massimi msemmija fir- Regolament (KE) Nru 1333/2008, ma tistax tiġi eskluża żieda tal-esponiment effettiv tal-popolazzjoni Daniża għan-nitriti.

(51)

Abbażi tat-tagħrif disponibbli bħalissa, il-Kummissjoni tqis li t-talba biex jinżammu miżuri aktar stretti tista' tiġi aċċettata temporanjament abbażi tal-ħarsien tas-saħħa pubblika fid-Danimarka.

2.2.2.    In-nuqqas ta' kull diskriminazzjoni arbitrarja, kull restrizzjoni moħbija tal-kummerċ bejn l-Istati Membri jew kull xkiel għat-tħaddim tas-suq intern

2.2.2.1   Nuqqas ta' diskriminazzjoni arbitrarja

(52)

L-Artikolu 114(6) TFUE jobbliga lill-Kummissjoni tivverifika li l-miżuri previsti mhumiex mezz ta' diskriminazzjoni arbitrarja. Skont il-Ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni, sitwazzjonijiet simili ma jistgħux jiġu ttrattati b'modi differenti, u sitwazzjonijiet differenti ma jistgħux jiġu ttrattati bl-istess mod.

(53)

Ir-regoli nazzjonali Daniżi japplikaw kemm għall-prodotti domestiċi kif ukoll għall-prodotti magħmula fi Stati Membri oħra. Billi ma hemmx evidenza tal-kuntrarju, jista' jiġi konkluż li d-dispożizzjonijiet nazzjonali mhumiex mezz ta' diskriminazzjoni arbitrarja.

2.2.2.2.   Nuqqas ta' restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ

(54)

Il-miżuri nazzjonali li jillimitaw l-użu ta' prodotti aktar mir-Regolament tal-Unjoni, normalment ikunu jikkostitwixxu xkiel għall-kummerċ, sakemm il-prodotti li jitqiegħdu fis-suq u jintużaw b'mod legali fil-bqija tal-Unjoni mhumiex mistennija, b'riżultat tal-projbizzjoni tal-użu, li jitqiegħdu fis-suq fl-Istat Membru kkonċernat. Il-prekundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 114(6) TFUE huma maħsuba biex iżommu r-restrizzjonijiet ibbażati fuq il-kriterji stipulati fil-paragrafi (4) u (5) tiegħu milli jiġu applikati għal raġunijiet mhux xierqa, u li jikkostitwixxu fil-fatt miżuri ekonomiċi li ma jħallux l-importazzjoni ta' prodotti minn Stati Membri oħra, jiġifieri, bħala mezz biex iħarsu b'mod indirett il-produzzjoni nazzjonali.

(55)

Billi r-regoli Daniżi jimponu wkoll standards aktar stretti dwar iż-żieda ta' nitriti ma' ċerti prodotti tal-laħam fuq operaturi bbażati fi Stati Membri oħra f'settur normalment armonizzat, huma jistgħu jikkostitwixxu restrizzjoni moħbija tal-kummerċ jew xkiel għat-tħaddim tas-suq intern. Huwa rikonoxxut, madankollu, li l-Artikolu 114(6) TFUE għandu jinqara fis-sens li l-miżuri nazzjonali li jikkostitwixxu xkiel sproporzjonat għas-suq intern biss jistgħu ma jiġux approvati. F'dan ir-rigward, id-Danimarka ppreżentat ċifri li jindikaw li l-importazzjonijiet ta' prodotti tal-laħam minn Stati Membri oħra kienu żdiedu matul il-perjodu mill-1994 sal-2016 u kienu stabbli fil-perjodu mill-2013 sal-2016.

(56)

Fin-nuqqas ta' evidenza li tindika li d-dispożizzjonijiet nazzjonali jikkostitwixxu miżura maħsuba biex tħares il-produzzjoni nazzjonali, jista' jiġi konkluż li dawn ma jikkostitwixxux restrizzjoni moħbija għall-kummerċ bejn l-Istati Membri.

2.2.2.3.   Nuqqas ta' xkiel fil-funzjonament tas-suq intern

(57)

Din il-kundizzjoni ma tistax tiġi interpretata b'mod li tipprekludi l-approvazzjoni ta' xi miżura nazzjonali li probabbli taffettwa l-funzjonament tas-suq intern. Fil-fatt, kull miżura nazzjonali b'deroga minn miżura ta' armonizzazzjoni mmirata lejn l-istabbiliment u t-tħaddim tas-suq intern fis-sustanza tikkostitwixxi miżura li probabbli taffettwa s-suq intern. Għaldaqstant, sabiex jinżamm il-karattru utli tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 114 TFUE, il-kunċett ta' xkiel għat-tħaddim tas-suq intern għandu, fil-kuntest tal-Artikolu 114(6) TFUE, jinftiehem bħala effett sproporzjonat b'rabta mal-għan mixtieq.

(58)

Minħabba l-benefiċċji għas-saħħa invokati mill-gvern Daniż b'rabta mat-tnaqqis ta' esponiment għan-nitriti fil-prodotti tal-laħam u l-fatt li, fuq il-bażi tat-tagħrif disponibbli bħalissa, jidher li l-kummerċ ma ġie affettwat xejn jew sa ċertu punt biss, il-Kummissjoni tqis li r-regoli Daniżi notifikati jistgħu jibqgħu jinżammu temporanjament minħabba raġunijiet marbuta mal-ħarsien tas-saħħa u tal-ħajja tal-bnedmin filwaqt li jitqies il-fatt li dawn mhumiex sproporzjonati u, għaldaqstant, ma jikkostitwixxux xkiel għat-tħaddim tas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 114(6) TFUE.

(59)

Fid-dawl ta' din l-analiżi, il-Kummissjoni tqis li l-kundizzjoni marbuta man-nuqqas ta' xkiel għat-tħaddim tas-suq intern hija sodisfatta.

2.2.3.    Limitazzjoni fiż-żmien

(60)

Il-konklużjonijiet imsemmija hawn fuq huma bbażati fuq it-tagħrif disponibbli bħalissa u, b'mod partikolari, fuq tagħrif li jindika li d-Danimarka kienet kapaċi tikkontrolla l-botuliżmu minkejja livelli massimi aktar baxxi ta' nitrit miżjuda ma' tipi partikolari ta' prodotti tal-laħam, u dan mingħajr ma fixklet il-kummerċ b'mod sproporzjonat.

(61)

Fattur importanti ieħor huwa r-rata ta' konsum fid-Danimarka ta' prodotti tal-laħam li b'relazzjoni għaliha l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tista' twassal għal żieda fl-esponiment tal-popolazzjoni Daniża għan-nitriti u possibbilment għan-nitrosammini.

(62)

Jeħtieġ li d-Danimarka timmonitorja s-sitwazzjoni u tiġbor id-dejta dwar jekk l-applikazzjoni tal-livelli stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tilħaqx il-livell meħtieġ ta' protezzjoni u fil-każ li le, jekk dan iwassalx għal riskju inaċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem, Id-dejta miġbura għandha tiffoka b'mod partikolari fuq il-kontroll tal-botuliżmu u fuq il-konformità tad-dispożizzjonijiet nazzjonali Daniż dwar in-nitriti, speċjalment għall-prodotti tal-laħam ikkurati bis-salmura. Barra minn hekk, jeħtieġ li d-Danimarka tkompli tiġbor id-dejta dwar l-importazzjonijiet ta' prodotti tal-laħam minn Stati Membri oħra. Id-Danimarka mitluba tirrapporta d-dejta miġbura lill-Kummissjoni fi żmien sentejn minn dakinhar li tiġi adottata d-Deċiżjoni preżenti.

F'dan l-isfond, il-Kummissjoni tqis li d-dispożizzjonijiet nazzjonali, sal-punt speċifikat hawn fuq, jistgħu jiġu approvati għal perjodu limitat ta' tliet snin.

III.   KONKLUŻJONI

(63)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, u filwaqt li tqis il-kummenti pprovduti minn Ċipru dwar in-notifika mressqa mill-awtoritajiet Daniżi, il-Kummissjoni hija tal-fehma li t-talba tad-Danimarka, li l-Kummissjoni rċeviet fl-14 ta' Novembru 2017, biex iżżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar iż-żieda ta' nitriti, li huma aktar stretti minn dawk tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, tista' tiġi approvata għal perjodu ta' tliet snin minn dakinhar li tiġi adottata d-Deċiżjoni preżenti. Jeħtieġ li d-Danimarka tkompli timmonitorja s-sitwazzjoni u tiġbor id-dejta dwar jekk l-applikazzjoni tal-livelli stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tilħaqx il-livell meħtieġ ta' protezzjoni u fil-każ li le, jekk dan iwassalx għal riskju inaċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar iż-żieda ta' nitriti ma' prodotti tal-laħam li jinsabu fl-Ordni Nru 1044 tal-4 ta' Settembru 2015 dwar l-addittivi tal-ikel eċċ. fl-oġġetti tal-ikel (BEK nr. 1044 af 4.9.2015, Udskriftsdato: 25.9.2017, Fødevareministeriet, li r-Renju tad-Danimarka nnotifika lill-Kummissjoni permezz ta' ittra tal-10 ta' Novembru 2017, skont l-Artikolu 114(4) TFUE, huma approvati.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tiskadi fit-8 ta' Mejju 2021.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tad-Danimarka.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Mejju 2018.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/826 tat-22 ta' Mejju 2015 li tikkonċerna d-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati mid-Danimarka dwar iż-żieda tan-nitrit ma' ċerti prodotti tal-laħam (ĠU L 130, 28.5.2015, p. 10).

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16).

(3)  Opinion on nitrates and nitrites expressed on 19 October 1990, European Commission — Reports of the Scientific Committee for Food (twenty-sixth series), p. 21.

(4)  Opinion on nitrates and nitrite expressed on 22 September 1995, European Commission — Reports of the Scientific Committee for Food (thirty eighth series), p. 1.

(5)  Opinion of the Scientific Panel on Biological Hazards on a request from the Commission related to the effects of Nitrites/Nitrates on the Microbiological Safety of Meat Products, The EFSA Journal (2003) 14, p. 1.

(6)  ĠU C 114, 28.3.2018, p. 11.

(7)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 257/2010 tal-25 ta' Marzu 2010 li jistabbilixxi programm għar-rivalutazzjoni tal-addittivi tal-ikel approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-addittivi tal-ikel (ĠU L 80, 26.3.2010, p. 19).

(8)  In-notifika tad-Danimarka lill-Kummissjoni permezz ta' ittra tal-25 ta' Novembru 2014.

(9)  EFSA Journal 2017;15(6):4786

(10)  Id-Direttiva 2006/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 li temenda d-Direttiva 95/2/KE dwar l-addittivi tal-ikel għajr kuluri u sostanzi li jagħtu ħlewwa u d-Direttiva 94/35/KE dwar is-sustanzi li jagħtu ħlewwa għall-użu f'oġġetti tal-ikel (ĠU L 204, 26.7.2006, p. 10).

(11)  Id-Danimarka għarrfet lill-Kummissjoni li hemm żball fil-Memorandum fir-rigward tal-importazzjoni ta' laħam tal-majjal ippreservat (bejken) mill-Ġermanja u li ma hemm l-ebda bidliet kbar għall-importazzjoni ta' bejken mill-Ġermanja lejn id-Danimarka.


14.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 118/16


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/703

tat-8 ta' Mejju 2018

dwar il-konformità tar-rati unitarji fiż-żona tal-imposti tal-Iżvizzera għas-snin 2015, 2016 u 2018 skont l-Artikolu 17 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013

(notifikata bid-dokument C(2018) 2726)

(It-testi bil-Ġermaniz, bil-Franċiż u bit-Taljan biss huma awtentiċi)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-Trasport bl-Ajru (“il-Ftehim”) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 550/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 dwar il-forniment ta' servizzi ta' navigazzjoni tal-ajru fl-ajru uniku Ewropew (ir-Regolament tal-forniment ta' servizz) (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 16(1) tiegħu, u r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 391/2013 tat-3 ta' Mejju 2013 li jistabbilixxi skema komuni ta' imposti għas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru (3), u b'mod partikolari l-Artikolu (17)(1)(d) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013 jistabbilixxi skema komuni ta' imposti għas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru. L-iskema komuni ta' imposti hi element integrali biex jintlaħqu l-għanijiet tal-iskema ta' prestazzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 390/2013 (5).

(2)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/132/UE (6) tistabbilixxi l-miri tal-prestazzjoni għall-Unjoni kollha, inkluż il-mira tal-kosteffikaċja tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route, espressa fi spejjeż unitarji ddeterminati għall-forniment ta' dawk is-servizzi, għat-tieni perjodu ta' referenza li jkopri u jinkludi s-snin mill-2015 sal-2019.

(3)

B'konformità mal-Artikolu 17(1)(b) u (c) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013, il-Kummissjoni trid tivvaluta r-rati unitarji għaż-żoni tal-imposti tal-2015 ippreżentati mill-Istati Membri lill-Kummissjoni sal-1 ta' Ġunju 2014 u r-rati unitarji għaż-żoni tal-imposti tal-2016 ippreżentati lill-Kummissjoni sal-1 ta' Ġunju 2015 skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 9(1) u 9(2) ta' dak ir-Regolament. Dik il-valutazzjoni għandha x'taqsam mal-konformità ta' dawk ir-rati unitarji mar-Regolamenti (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013.

(4)

Il-Kummissjoni wettqet il-valutazzjoni tagħha tar-rati unitarji bl-għajnuna tal-Unità tar-Reviżjoni tal-Prestazzjoni tal-Eurocontrol u tal-Uffiċċju Ċentrali tal-Imposti tar-Rotot tal-Eurocontrol, permezz tad-dejta u l-informazzjoni addizzjonali mogħtija mill-Istati Membri u l-Iżvizzera sal-1 ta' Novembru 2017.

(5)

Peress li l-miri ta' prestazzjoni FABEC ma nstabux konsistenti mal-miri ta' prestazzjoni għall-UE kollha, id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/421 (7) stabbiliet li rati unitarji fiż-żona tal-imposti tal-Iżvizzera għas-snin 2015 u 2016 ma kinux konformi.

(6)

Fit-30 ta' Jannar 2017, fir-rigward tal-Blokk tal-Ispazju tal-Ajru Funzjonali (FABEC), l-Iżvizzera ppreżentat miri ta' prestazzjoni riveduti u bbażati fuq miżuri korrettivi, fejn meħtieġ, inkluż fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza għat-tieni perjodu ta' referenza. Fl-aħħar, b'din il-preżentazzjoni, il-Kummissjoni setgħet tiddikjara permezz tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/552 (8) li dawn il-miri huma konsistenti mal-miri ta' prestazzjoni għall-Unjoni kollha. Minħabba f'hekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/421 titħassar.

(7)

Abbażi ta' din il-valutazzjoni tar-rati unitarji u abbażi tal-konsistenza tal-miri ta' prestazzjoni FABEC, il-Kummissjoni sabet li, skont l-Artikolu 17(1)(d) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013, ir-rati unitarji għaż-żoni tal-imposti en route għall-2015, għall-2016 u għall-2018 ippreżentati mill-Iżvizzera huma konformi mar-Regolamenti ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013.

(8)

Is-sejba u n-notifika li r-rati unitarji għaż-żoni tal-imposti huma konformi mar-Regolamenti ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013 huma mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 550/2004.

(9)

Skont l-aħħar paragrafu tal-Artikolu 17(1), ir-rati unitarji għandhom jiġu stabbiliti fil-munita nazzjonali. Għalhekk, ir-rati unitarji stabbiliti f'din id-Deċiżjoni huma ppreżentati bil-Frank Żvizzeru.

(10)

Il-Kummissjoni kkonsultat lill-Iżvizzera dwar din id-Deċiżjoni, skont l-Artikolu 19(2) tal-Ftehim.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-rata unitarja ta' 118,97 għall-2015, ir-rata unitarja ta' 113,69 għall-2016, u r-rata unitarja ta' 113,00 għall-2018 fiż-żona tal-imposti en route tal-Iżvizzera huma konformi mar-Regolamenti ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/421 hi mħassra.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Konfederazzjoni Żvizzera.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Mejju 2018.

Għall-Kummissjoni

Violeta BULC

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 114, 30.4.2002, p. 73.

(2)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 10.

(3)  ĠU L 128, 9.5.2013, p. 31.

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament qafas) (ĠU L 196, 31.3.2004, p. 1).

(5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 390/2013 tat-3 ta' Mejju 2013 li jistabbilixxi skema ta' prestazzjoni għas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u għall-funzjonijiet tan-netwerk (ĠU L 128, 9.5.2013, p. 1).

(6)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/132/UE tal-11 ta' Marzu 2014 li tistabbilixxi miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għan-netwerk tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u l-livelli limiti ta' twissija għat-tieni perjodu ta' referenza mill-2015 sal-2019 (ĠU L 71, 12.3.2014, p. 20).

(7)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/421 tat-18 ta' Marzu 2016 dwar in-nuqqas ta' konformità tar-rati unitarji fiż-żona tal-imposti tal-Iżvizzera għas-snin 2015 u 2016 skont l-Artikolu 17 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013 (ĠU L 75, 22.3.2016, p. 66).

(8)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/552 tat-22 ta' Marzu 2017 dwar il-konsistenza tal-miri fl-oqsma ta' prestazzjoni ewlenin tal-kapaċità u tal-kosteffiċjenza inklużi fil-pjan rivedut fil-livell tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali ppreżentat mill-Iżvizzera skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 mal-miri tal-prestazzjoni fl-Unjoni kollha għat-tieni perjodu ta' referenza (ĠU L 79, 24.3.2017, p. 8).


14.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 118/18


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/704

tat-8 ta' Mejju 2018

dwar il-konformità tar-rati unitarji għaż-żoni tal-imposti mar-Regolamenti ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013 skont l-Artikolu 17 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (KE) Nru 391/2013

(notifikata bid-dokument C(2018) 2729)

(Il-testi bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ingliż, bl-Irlandiż, bl-Ispanjol, bl-Iżvediż, bil-Kroat, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bin-Netherlandiż, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven u bl-Ungeriż biss huma awtentiċi)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 550/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 dwar il-forniment ta' servizzi ta' navigazzjoni tal-ajru fl-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament tal-forniment ta' servizz) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 391/2013 tat-3 ta' Mejju 2013 li jistabbilixxi skema komuni ta' imposti għas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 17(1)(d) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013 jistabbilixxi skema komuni ta' imposti għas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru. L-iskema komuni ta' imposti hi element integrali biex jintlaħqu l-għanijiet tal-iskema ta' prestazzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 390/2013 (4).

(2)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/132/UE (5) tistabbilixxi l-miri ta' prestazzjoni għall-Unjoni kollha, fosthom il-mira tal-kosteffikaċja tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route, espressa fi spejjeż unitarji ddeterminati għall-forniment ta' dawn is-servizzi, għat-tieni perjodu ta' referenza li jkopri u jinkludi s-snin mill-2015 sal-2019.

(3)

B'konformità mal-Artikolu 17(1)(b) u (c) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013, il-Kummissjoni trid tivvaluta r-rati unitarji għaż-żoni tal-imposti ppreżentati mill-Istati Membri skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 9(1) u (2) ta' dak ir-Regolament. Dik il-valutazzjoni għandha x'taqsam mal-konformità ta' dawk ir-rati unitarji mar-Regolamenti (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013.

(4)

Il-Kummissjoni wettqet il-valutazzjoni tagħha tar-rati unitarji bl-għajnuna tal-Unità tar-Reviżjoni tal-Prestazzjoni tal-Eurocontrol u tal-Uffiċċju Ċentrali tal-Imposti tar-Rotot tal-Eurocontrol, permezz tad-dejta u l-informazzjoni addizzjonali mogħtija mill-Istati Membri sal-1 ta' Novembru 2017. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni qieset ukoll l-ispjegazzjonijiet mogħtija, u l-korrezzjonijiet magħmula mill-Istati Membri fir-rati unitarji għall-2018 għas-servizzi en route, wara kuntatti mal-Kummissjoni.

(5)

Abbażi ta' dik il-valutazzjoni, il-Kummissjoni sabet li r-rati unitarji għaż-żoni tal-imposti en route għall-2018 li ppreżentaw l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Iżvezja, il-Kroazja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, ir-Renju Unit, ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja u l-Ungerija jikkonformaw mar-Regolamenti ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013.

(6)

Fl-2016, il-Bulgarija, Malta u l-Polonja rrevedew il-miri ta' prestazzjoni tagħhom fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza għas-snin li jifdal tat-tieni perjodu ta' referenza, jiġifieri l-2017, l-2018 u l-2019. Bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2376 (6) ġiet stabbilita l-konsistenza ta' dawk il-miri riveduti mal-miri ta' prestazzjoni għall-Unjoni kollha. Abbażi tal-valutazzjoni tagħha, filwaqt li tqis dawk il-miri riveduti, il-Kummissjoni sabet li r-rati unitarji għaż-żoni tal-imposti en route għall-2017 li ppreżentaw il-Bulgarija, Malta u l-Polonja jikkonformaw mar-Regolamenti ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013.

(7)

Fit-30 ta' Jannar 2017, fir-rigward tal-Blokk tal-Ispazju tal-Ajru Funzjonali (FABEC), il-Belġju, Franza, il-Lussemburgu u n-Netherlands ippreżentaw miri ta' prestazzjoni riveduti u bbażati fuq miżuri korrettivi, fejn meħtieġ, inkluż fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza għat-tieni perjodu ta' referenza. B'din il-preżentazzjoni, il-Kummissjoni setgħet tiddikjara permezz tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/553 (7) li dawn il-miri huma konsistenti mal-miri ta' prestazzjoni għall-Unjoni kollha. Għaldaqstant jenħtieġ li jitħassru d-Deċiżjonijiet ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/420 (8) u (UE) 2016/419 (9), li stabbilew li r-rati unitarji għaż-żoni tal-imposti tal-Belġju-Lussemburgu, Franza, il-Ġermanja u n-Netherlands għall-2015 u għall-2016 ma kinux jikkonformaw mar-Regolamenti ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013.

(8)

Abbażi tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni u abbażi tal-konsistenza stabbilita tal-miri ta' prestazzjoni ppreżentati mill-Istati Membri tal-FABEC, il-Kummissjoni sabet li r-rati unitarji għaż-żoni tal-imposti en route għall-2015 u għall-2016 li ppreżentaw il-Belġju, Franza, il-Ġermanja, il-Lussemburgu u n-Netherlands jikkonformaw mar-Regolamenti ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013.

(9)

Skont l-Artikolu 17(1)(d) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013, l-Istati Membri kkonċernati jenħtieġ jiġu notifikati bis-sejbiet tal-Kummissjoni.

(10)

Is-sejba u n-notifika li r-rati unitarji għaż-żoni tal-imposti huma konformi mar-Regolamenti ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013 huma mingħajr preġudizzju għar-rieżami u l-investigazzjonijiet li għaddejjin previsti fl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 550/2004,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Ir-rati unitarji għall-2018 għaż-żoni tal-imposti en route stabbiliti fil-punt 1 tal-Anness jikkonformaw mar-Regolamenti ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013.

2.   Ir-rati unitarji għall-2017 għaż-żoni tal-imposti en route stabbiliti fil-punt 2 tal-Anness jikkonformaw mar-Regolamenti ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013.

3.   Ir-rati unitarji għall-2015 u għall-2016 għaż-żoni tal-imposti en route stabbiliti fil-punt 3 tal-Anness jikkonformaw mar-Regolamenti ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013.

Artikolu 2

Id-Deċiżjonijiet ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/420 u (UE) 2016/419 huma mħassrin.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Awstrija, lir-Renju tal-Belġju, lir-Repubblika tal-Bulgarija, lir-Repubblika tal-Kroazja, lir-Repubblika ta' Ċipru, lir-Repubblika Ċeka, lir-Renju tad-Danimarka, lir-Repubblika tal-Estonja, lir-Repubblika tal-Finlandja, lir-Repubblika Franċiża, lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, lill-Ungerija, lill-Irlanda, lir-Repubblika tal-Latvja, lil-Litwanja, lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, lir-Repubblika ta' Malta, lir-Renju tan-Netherlands, lir-Repubblika tal-Polonja, lir-Repubblika Portugiża, lir-Rumanija, lir-Repubblika Slovakka, lir-Repubblika tas-Slovenja, lir-Renju ta' Spanja, lir-Renju tal-Iżvezja u lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Mejju 2018.

Għall-Kummissjoni

Violeta BULC

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 10.

(2)  ĠU L 128, 9.5.2013, p. 31.

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament qafas) (ĠU L 196, 31.3.2004, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 390/2013 tat-3 ta' Mejju 2013 li jistabbilixxi skema ta' prestazzjoni għas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u għall-funzjonijiet tan-netwerk (ĠU L 128, 9.5.2013, p. 1).

(5)  Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/132/UE tal-11 ta' Marzu 2014 li tistabbilixxi miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għan-netwerk tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u l-livelli limiti ta' twissija għat-tieni perjodu ta' referenza mill-2015 sal-2019 (ĠU L 71, 12.3.2014, p. 20).

(6)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2376 tal-15 ta' Diċembru 2017 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/348 f'dak li għandu x'jaqsam mal-konsistenza tal-miri riveduti fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza inklużi fil-pjanijiet nazzjonali jew tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali emendati li bagħtu Malta, il-Bulgarija u l-Polonja (ĠU L 337, 19.12.2017, p. 68).

(7)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/553 tat-22 ta' Marzu 2017 dwar il-konsistenza tal-miri fl-oqsma ta' prestazzjoni ewlenin tal-kapaċità u tal-kosteffiċjenza inklużi fil-pjan rivedut fil-livell tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali ppreżentat skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 mill-Belġju, mill-Ġermanja, minn Franza, mil-Lussemburgu u min-Netherlands mal-miri tal-prestazzjoni fl-Unjoni kollha għat-tieni perjodu ta' referenza (ĠU L 79, 24.3.2017, p. 11).

(8)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/420 tat-18 ta' Marzu 2016 dwar in-nonkonformità tar-rati unitarji tal-2015 għaż-żoni tal-imposti skont l-Artikolu 17 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013 (ĠU L 75, 22.3.2016, p. 63).

(9)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/419 tat-18 ta' Marzu 2016 dwar in-nuqqas ta' konformità tar-rati unitarji għall-2016 għaż-żoni tal-imposti skont l-Artikolu 17 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013 (ĠU L 75, 22.3.2016, p. 60).


ANNESS

1.   Rati unitarji en route għall-2018

 

Żona tal-imposti

Rata unitarja en route għall-2018

fil-munita nazzjonali (*1)

1

L-Awstrija

71,35

2

Il-Belgju-Lussemburgu

67,66

3

Il-Bulgarija

51,99

4

Il-Kroazja

334,13

5

Ċipru

34,95

6

Ir-Repubblika Ċeka

1 078,54

7

Id-Danimarka

443,44

8

L-Estonja

28,66

9

Il-Finlandja

54,79

10

Franza

63,48

11

Il-Ġermanja

67,07

12

L-Ungerija

10 064,17

13

L-Irlanda

27,69

14

Il-Latvja

27,47

15

Il-Litwanja

43,59

16

Malta

15,89

17

In-Netherlands

58,70

18

Il-Polonja

181,72

19

Il-Portugall

36,84

20

Ir-Rumanija

149,30

21

Is-Slovakkja

51,53

22

Is-Slovenja

61,71

23

Spanja - il-Gżejjer Kanarji

56,61

24

Spanja Kontinentali

69,54

25

L-Iżvezja

562,58

26

Ir-Renju Unit

59,96

2.   Rati unitarji en route għall-2017

 

Żona tal-imposti

Rata unitarja en route ippreżentata (1) għall-2017

fil-munita nazzjonali

1

Il-Bulgarija

52,60

2

Malta

18,79

3

Il-Polonja

185,47

3.   Rati unitarji en route tal-FABEC għall-2015 u għall-2016

 

Żona tal-imposti

Rata unitarja en route ippreżentata (2)

fil-munita nazzjonali

 

 

2015

2016

1

Il-Belgju-Lussemburgu

70,68

65,41

2

Franza

70,00

67,54

3

Il-Ġermanja

90,15

82,59

4

In-Netherlands

66,57

67,00


(*1)  Dawn ir-rati unitarji ma jinkludux ir-rata unitarja amministrattiva msemmija fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013 li tapplika għall-Istati firmatarji tal-Ftehim Multilaterali tal-Eurocontrol dwar l-imposti tar-rotot.

(1)  Dawn ir-rati unitarji ma jinkludux ir-rata unitarja amministrattiva msemmija fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013 li tapplika għall-Istati firmatarji tal-Ftehim Multilaterali tal-Eurocontrol dwar l-imposti tar-rotot.

(2)  Dawn ir-rati unitarji ma jinkludux ir-rata unitarja amministrattiva msemmija fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013 li tapplika għall-Istati firmatarji tal-Ftehim Multilaterali tal-Eurocontrol dwar l-imposti tar-rotot.