ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 77

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 61
20 ta' Marzu 2018


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/454 tal-14 ta' Marzu 2018 li jistabbilixxi projbizzjoni għas-sajd għall-bakkaljaw fiż-żoni 1 u 2B minn bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Istati Membri kollha minbarra l-Ġermanja, Spanja, Franza, il-Polonja, il-Portugall u r-Renju Unit

1

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/455 tas-16 ta' Marzu 2018 li jistabbilixxi responsabbiltajiet u kompiti addizzjonali għal-laboratorju ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-mard tal-krustaċji u l-ħut u li jemenda l-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 )

4

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/456 tad-19 ta' Marzu 2018 dwar il-passi proċedurali tal-proċess ta' konsultazzjoni biex jiġi ddeterminat l-istatus ta' ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel ġdid ( 1 )

6

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/457 tat-13 ta' Marzu 2018 li tawtorizza lil-Latvja biex tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

14

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/458 tad-19 ta' Marzu 2018 li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 97/193/PESK dwar miżuri restrittivi mmirati lejn persuni li wettqu atti vjolenti fl-inċidenti ta' Mostar nhar l-10 ta' Frar 1997

16

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/459 tad-19 ta' Marzu 2018 li temenda d-Deċiżjoni 2011/173/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Bożnija-Ħerzegovina

17

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

20.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 77/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/454

tal-14 ta' Marzu 2018

li jistabbilixxi projbizzjoni għas-sajd għall-bakkaljaw fiż-żoni 1 u 2B minn bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Istati Membri kollha minbarra l-Ġermanja, Spanja, Franza, il-Polonja, il-Portugall u r-Renju Unit

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 36(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/120 (2) jistabbilixxi l-kwoti għall-2018.

(2)

Skont l-informazzjoni li waslet għand il-Kummissjoni, il-qabdiet tal-istokk imsemmi fl-Anness ta' dan ir-Regolament, minn bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Istat Membru msemmi hemmhekk jew irreġistrati fih, eżawrew il-kwota allokata lilhom għall-2018.

(3)

Għalhekk, jeħtieġ li jiġu pprojbiti l-attivitajiet tas-sajd għal dak l-istokk,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Eżawriment tal-kwota

Il-kwota tas-sajd allokata lill-Istat Membru msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament għall-istokk imsemmi hemmhekk għall-2018 għandha titqies eżawrita mid-data stipulata f'dak l-Anness.

Artikolu 2

Projbizzjonijiet

L-attivitajiet tas-sajd għall-istokk imsemmi fl-Anness ta' dan ir-Regolament minn bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Istat Membru msemmi fl-Anness jew li huma rreġistrati f'dan l-Istat Membru għandhom jiġu pprojbiti mid-data stipulata f'dak l-Anness. B'mod partikolari, wara dik id-data għandu jkun ipprojbit li l-ħut ta' dak l-istokk li jinqabad minn dawk il-bastimenti jinżamm abbord, jiġi rilokat, jiġi trażbordat jew jinħatt l-art.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Marzu 2018.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

João AGUIAR MACHADO

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/120 tat-23 ta' Jannar 2018 li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2018 għal ċerti stokkijiet tal-ħut u ċerti gruppi ta' stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tal-Unjoni, f'ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni, u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/127 (ĠU L 27, 31.1.2018, p. 1).


ANNESS

Nru

03/TQ120

Stat Membru

Stati Membri oħra minbarra l-Ġermanja, Spanja, Franza, il-Polonja, il-Portugall u r-Renju Unit

Stokk

COD/1/2B.

Speċi

Bakkaljaw (Gadus morhua)

Żona

1 u 2b

Data tal-għeluq

8.2.2018


20.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 77/4


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/455

tas-16 ta' Marzu 2018

li jistabbilixxi responsabbiltajiet u kompiti addizzjonali għal-laboratorju ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-mard tal-krustaċji u l-ħut u li jemenda l-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mar-regoli dwar s-saħħa tal-annimali u l-welfare tal-annimali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 32(5) u (6) tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE tal-24 ta' Ottubru 2006 dwar il-ħtiġiet tas-saħħa tal-annimali għall-annimali tal-akkwakultura u l-prodotti tagħhom, u dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta' ċertu mard f'annimali akkwatiċi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 55(1) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 jistabbilixxi l-kompiti, id-dmirijiet u r-rekwiżiti ġenerali tal-laboratorji ta' referenza tal-Unjoni Ewropea (UE) għall-ikel u l-għalf u għas-saħħa tal-annimali. Il-laboratorji ta' referenza tal-UE għas-saħħa tal-annimali u għall-annimali ħajjin huma elenkati fil-Parti II tal-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004. Il-punt 15 tal-Parti II ta' dak l-Anness jelenka s-Centre for Environment, Fisheries & Aquaculture Science (Cefas), Weymouth, ir-Renju Unit, bħala l-laboratorju ta' referenza għall-mard tal-krustaċji.

(2)

Id-Direttiva 2006/88/KE tistabbilixxi r-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għat-tqegħid fis-suq, u l-importazzjoni u t-tranżitu mill-Unjoni tal-annimali tal-akkwakultura u l-prodotti tagħhom, u ċerti miżuri ta' prevenzjoni u kontroll minimi għal ċertu mard f'dawk l-annimali. L-Artikolu 55(1) tad-Direttiva 2006/88/KE jipprovdi għall-ħatra ta' laboratorji ta' referenza tal-UE għall-mard tal-annimali akkwatiċi rilevanti għal dik id-Direttiva.

(3)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 737/2008 (3) ħatar is-Centre for Environment, Fisheries & Aquaculture Science (Cefas), Weymouth Laboratory, ir-Renju Unit, bħala l-laboratorju ta' referenza tal-UE għall-mard tal-krustaċji għall-perjodu bejn l-1 ta' Lulju 2008 u t-30 ta' Ġunju 2018. L-Artikolu 55(3) tad-Direttiva 2006/88/KE jipprovdi għal rieżami tal-funzjonijiet ta' dak il-laboratorju.

(4)

Bħala konsegwenza tan-notifika tar-Renju Unit skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-funzjoni tas-CEFAS bħala laboratorju ta' referenza għall-mard tal-krustaċji ma tistax titkompla għal perjodu ieħor li jibda mill-1 ta' Lulju 2018.

(5)

Fid-dawl tas-sinerġiji fl-għarfien espert tekniku, fil-kapaċità tal-laboratorju u fin-netwerking ma' laboratorji ta' referenza nazzjonali, jenħtieġ li l-laboratorju ta' referenza tal-UE għall-mard tal-ħut jieħu wkoll il-kompiti u l-funzjonijiet tal-laboratorju ta' referenza tal-UE għall-mard tal-krustaċji.

(6)

Għalhekk jenħtieġ li d-“Danmarks Tekniske Universitet, Veterinærinstituttet, Afdeling for Diagnostik og Beredskab — Fiskesygdomme, 2800 Kgs. Lyngby, Danmark” li nħatar bħala l-laboratorju ta' referenza tal-UE għall-mard tal-ħut, jieħu l-kompiti u l-funzjonijiet tal-laboratorju ta' referenza tal-UE għall-mard tal-krustaċji.

(7)

Jenħtieġ li d-DTU Veterinærinstituttet, Afdeling for Diagnostik og Beredskab — Fiskesygdomme li qed jieħu r-responsabbiltajiet tal-laboratorju ta' referenza tal-UE għall-mard tal-ħut u tal-krustaċji jiġi indikat bħala l-laboratorju ta' referenza tal-UE għall-mard tal-krustaċji għall-perjodu mill-1 ta' Lulju 2018 sat-30 ta' Ġunju 2023. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġi elenkat fil-Parti II tal-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004. Għalhekk jenħtieġ li l-Parti II tal-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tiġi emendata skont dan.

(8)

Sabiex tiġi żgurata kontinwità bla xkiel tal-attivitajiet tal-laboratorji ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-mard tal-krustaċji, huwa xieraq li tiġi prevista data ta' applikazzjoni speċifika għall-miżuri previsti f'dan ir-Regolament.

(9)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Danmarks Tekniske Universitet, Veterinærinstituttet, Afdeling for Diagnostik og Beredskab - Fiskesygdomme, 2800 Kgs. Lyngby, id-Danimarka, għandu jkollu r-responsabbitajiet u l-kompiti tal-laboratorju ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-mard tal-krustċji mill-1 ta' Lulju 2018 sat-30 ta' Ġunju 2023.

Artikolu 2

Il-Parti II tal-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 hija emendata kif ġej:

1.

il-punt 6 jinbidel b'dan li ġej:

“6.

Laboratorju ta' referenza tal-UE għall-mard tal-ħut u tal-krustaċji

Danmarks Tekniske Universitet

Veterinærinstituttet

Afdeling for Diagnostik og Beredskab - Fiskesygdomme, Kemitorvet, Bygning 202

2800 Kgs. Lyngby

Id-Danimarka”

2.

Il-punt 15 jitħassar.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Marzu 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.

(2)  ĠU L 328, 24.11.2006, p. 14.

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 737/2008 tat-28 ta' Lulju 2008 li jaħtar il-laboratorji Komunitarji ta' referenza għall-mard tal-krustaċji, ir-rabja u t-tuberkolożi tal-ifrat, li jistipula responsabbiltajiet u ħidmiet supplementari għal-laboratorji ta' referenza Komunitarja għar-rabja u t-tuberkolożi tal-ifrat u li jemenda l-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 201, 30.7.2008, p. 29).


20.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 77/6


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/456

tad-19 ta' Marzu 2018

dwar il-passi proċedurali tal-proċess ta' konsultazzjoni biex jiġi ddeterminat l-istatus ta' ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel ġdid

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2015/2283 jistabbilixxi regoli għat-tqegħid fis-suq u għall-użu ta' ikel ġdid fl-Unjoni.

(2)

L-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2015/2283 jistabbilixxi prinċipji bażiċi dwar il-proċedura biex jiġi ddeterminat l-istatus ta' ikel ġdid. Il-paragrafu 1 ta' dak l-Artikolu jirrikjedi li l-operaturi tan-negozju tal-ikel jivverifikaw jekk l-ikel li beħsiebhom iqiegħdu fis-suq tal-Unjoni jaqax fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dak ir-Regolament.

(3)

Sabiex jiġi ddeterminat l-istatus ta' ikel ġdid ta' oġġett tal-ikel partikolari, jenħtieġ li tiġi ppreżentata talba għal konsultazzjoni. L-Istati Membri jenħtieġ li jivverifikaw il-validità ta' tali talbiet. Għaldaqstant, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli għall-proċess ta' verifika.

(4)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli sabiex jiġi żgurat li t-talba għal konsultazzjoni biex jiġi ddeterminat l-istatus ta' ikel ġdid, tipprovdi l-informazzjoni kollha neċessarja għall-evalwazzjoni mill-Istati Membri.

(5)

Sabiex jiġi żgurat li l-operaturi tan-negozju tal-ikel u l-pubbliku jkunu infurmati dwar l-istatus ta' ikel ġdid, jenħtieġ li l-informazzjoni dwar l-istatus ta' ikel ġdid tkun disponibbli pubblikament.

(6)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni u suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2015/2283 fir-rigward tal-passi proċedurali tal-proċess ta' konsultazzjoni biex jiġi ddeterminat jekk ikel jaqax jew le fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dak ir-Regolament.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Minbarra d-definizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u fir-Regolament (UE) 2015/2283 (2), għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“talba għal konsultazzjoni” tfisser talba minn operatur tan-negozju tal-ikel lil Stat Membru riċevitur biex jiġi ddeterminat l-istatus ta' ikel ġdid ta' oġġett tal-ikel partikolari;

(b)

“Stat Membru riċevitur” tfisser Stat Membru fejn l-operatur tan-negozju tal-ikel beħsiebu jqiegħed fis-suq ikel partikolari għall-ewwel darba.

Artikolu 3

Preżentazzjoni ta' talba għal konsultazzjoni

1.   L-operatur tan-negozju tal-ikel għandu jikkonsulta mal-Istat Membru riċevitur kif previst fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) 2015/2283 billi jippreżenta talba għal konsultazzjoni lil dak l-Istat Membru.

2.   Meta l-operatur tan-negozju tal-ikel ikun beħsiebu jqiegħed ikel fis-suq simultanjament f'diversi Stati Membri, l-operatur tan-negozju tal-ikel għandu jippreżenta t-talba għal konsultazzjoni lil wieħed minn dawk l-Istati Membri biss.

Artikolu 4

Kontenut u preżentazzjoni tat-talba għal konsultazzjoni

1.   It-talba għal konsultazzjoni għandha tiġi ppreżentata elettronikament lill-Istat Membru riċevitur u għandha tikkonsisti minn dan li ġej:

(a)

ittra ta' akkumpanjament;

(b)

dossier tekniku;

(c)

dokumentazzjoni ta' appoġġ;

(d)

nota ta' spjegazzjoni li tiċċara l-iskop u r-rilevanza tad-dokumentazzjoni ppreżentata.

2.   L-ittra ta' akkumpanjament imsemmija fil-paragrafu 1(a) għandha tkun abbozzata skont il-mudell ipprovdut fl-Anness I.

3.   Id-dossier tekniku msemmi fil-paragrafu 1(b) għandu jinkludi l-informazzjoni meħtieġa biex tippermetti lill-Istat Membru riċevitur jasal għal konklużjoni dwar l-istatus ta' ikel ġdid u għandu jkun abbozzat skont il-mudell ipprovdut fl-Anness II.

4.   Permezz ta' deroga mill-paragrafu 3, applikant mhuwiex obbligat jipprovdi l-elementi kollha msemmija fl-Anness II, bil-kundizzjoni li l-applikant ikun ippreżenta ġustifikazzjoni verifikabbli għan-nuqqas ta' kull element nieqes.

Artikolu 5

Proċeduri biex tiġi vverifikata l-validità ta' talba għal konsultazzjoni

1.   L-Istat Membru riċevitur għandu mingħajr dewmien, jivverifika jekk it-talba għal konsultazzjoni tikkonformax jew le mar-rekwiżiti tal-Artikolu 4.

2.   Meta l-operatur tan-negozju tal-ikel ma jippreżentax biżżejjed informazzjoni fit-talba għal konsultazzjoni, l-Istat Membru riċevitur għandu jitlob lill-operatur tan-negozju tal-ikel biex jipprovdi informazzjoni addizzjonali jew jagħmel l-aġġornamenti rilevanti fit-talba għal konsultazzjoni fil-perjodu ta' żmien speċifikat mill-Istat Membru riċevitur.

3.   It-talba għal konsultazzjoni għandha titqies li mhijiex valida meta:

(a)

l-operatur tan-negozju tal-ikel ma jipprovdix l-informazzjoni addizzjonali mitluba jew it-talba għal konsultazzjoni aġġornata fil-perjodu speċifikat mill-Istat Membru riċevitur;

(b)

l-informazzjoni addizzjonali ppreżentata ma tkunx biżżejjed biex jiġi konkluż li t-talba għal konsultazzjoni hija valida.

4.   L-Istat Membru riċevitur għandu jiddeċiedi dwar il-validità tat-talba għal konsultazzjoni u mingħajr dewmien jinforma bid-deċiżjoni lill-operatur tan-negozju tal-ikel, lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni. Meta t-talba għal konsultazzjoni titqies li mhijiex valida, l-Istat Membru riċevitur għandu jipprovdi r-raġunijiet għal dik il-konklużjoni.

Artikolu 6

Proċeduri biex tiġi evalwata talba għal konsultazzjoni valida

1.   L-Istat Membru riċevitur għandu jikkonkludi dwar l-istatus ta' ikel ġdid ta' oġġett tal-ikel fi żmien erba' xhur mid-data li fiha jkun iddeċieda dwar il-validità tat-talba għal konsultazzjoni.

2.   Meta l-Istat Membru riċevitur jidentifika li ma għandux biżżejjed evidenza biex jiddeċiedi dwar l-istatus ta' ikel ġdid ta' oġġett tal-ikel, jista' jitlob lill-operatur tan-negozju tal-ikel biex jipprovdi informazzjoni addizzjonali. Il-perjodu ta' dik it-talba għandu jiġi ddeterminat flimkien mal-operatur tan-negozju tal-ikel.

L-Istat Membru riċevitur jista' jikkonsulta lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, it-talba għal informazzjoni addizzjonali msemmija fil-paragrafu 2 ma għandhiex testendi l-perjodu ta' żmien imsemmi fil-paragrafu 1.

4.   F'każijiet debitament ġustifikati, l-Istat Membru riċevitur jista' jestendi l-perjodu msemmi fil-paragrafu 1 b'massimu ta' erba' xhur. L-Istat Membru riċevitur għandu jinforma lill-operatur tan-negozju tal-ikel, lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni u għandu jipprovdi ġustifikazzjoni.

5.   Malli jasal għal konklużjoni dwar l-istatus ta' ikel ġdid ta' oġġett tal-ikel, l-Istat Membru riċevitur għandu mingħajr dewmien jinnotifika lill-operatur tan-negozju tal-ikel, lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni u għandu jipprovdi ġustifikazzjoni skont l-Artikolu 7 ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 7

Informazzjoni dwar l-istatus ta' ikel ġdid u pubblikazzjoni tagħha

1.   In-notifika msemmija fl-Artikolu 6(5) ta' dan ir-Regolament għandha tinkludi dan li ġej:

(a)

l-isem u d-deskrizzjoni tal-ikel ikkonċernat;

(b)

dikjarazzjoni li tindika jekk l-ikel ikkonċernat huwiex ġdid, mhux ġdid jew mhux ġdid biss fis-supplimenti tal-ikel;

(c)

ir-raġunijiet li jiġġustifikaw id-dikjarazzjoni msemmija fil-punt (b);

(d)

meta l-ikel ikun ikel ġdid, l-aktar kategorija tal-ikel xierqa li jaqa' taħtha skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) 2015/2283.

2.   Il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tqiegħed l-informazzjoni dwar l-istatus ta' ikel ġdid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fis-sit web tal-Kummissjoni.

Artikolu 8

Awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri

L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bid-dettalji ta' kuntatt tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u d-dettalji ta' kuntatt tal-punti ta' kuntatt rispettivi maħtura għall-finijiet ta' dan ir-Regolament sal-1 ta' Marzu 2018.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika dawk id-dettalji ta' kuntatt fis-sit web tal-Kummissjoni sal-1 ta' Mejju 2018.

Artikolu 9

Kunfidenzjalità

1.   L-operaturi tan-negozju tal-ikel jistgħu jitolbu lill-Istat Membru riċevitur biex jaqbel li l-iżvelar ta' ċerta informazzjoni ppreżentata bħala parti mit-talba għal konsultazzjoni jeħtieġ li jibbenefika minn trattament kunfidenzjali fejn l-iżvelar ta' tali informazzjoni jista' jkun ta' ħsara għall-pożizzjoni kompetittiva tagħhom.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-operaturi tan-negozju tal-ikel għandhom jindikaw lill-Istat Membru riċevitur liema partijiet mill-informazzjoni pprovduta jixtiequ li jiġu ttrattati bħala kunfidenzjali u għandhom jipprovdu d-dettalji kollha meħtieġa biex jissostanzjaw it-talba tagħhom għal kunfidenzjalità.

3.   L-Istat Membru riċevitur għandu jinforma lill-operatur tan-negozju tal-ikel dwar l-opinjoni tiegħu dwar liema partijiet mill-informazzjoni jridu jibqgħu kunfidenzjali.

Madankollu, il-kunfidenzjalità ma għandhiex tapplika għall-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem u l-indirizz tal-applikant;

(b)

l-isem u d-deskrizzjoni tal-ikel;

(c)

sommarju tal-istudji ppreżentati mill-applikant;

(d)

meta jkun xieraq, il-metodu jew il-metodi tal-analiżi.

4.   Fil-każ tal-konsultazzjoni tal-Istati Membri l-oħra skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(2), l-Istat Membru riċevitur għandu jinforma lill-Kummissjoni u l-Istati Membri dwar l-opinjoni tiegħu dwar il-kunfidenzjalità tat-talba għal konsultazzjoni.

5.   Wara li jiġi infurmat skont il-paragrafu 3, l-operatur tan-negozju tal-ikel jista' jirtira t-talba għal konsultazzjoni fi żmien tliet ġimgħat li matulhom għandha tiġi osservata l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni pprovduta.

6.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw il-kunfidenzjalità xierqa tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 u li huma jirċievu skont dan ir-Regolament, ħlief għall-informazzjoni li trid titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku sabiex tiġi protetta s-saħħa tal-bniedem.

7.   Meta operatur tan-negozju tal-ikel jirtira jew ikun irtira t-talba tiegħu għal konsultazzjoni skont il-paragrafu 5, la l-Kummissjoni u lanqas l-Istati Membri ma għandhom jiżvelaw l-informazzjoni li għaliha tkun intalbet il-kunfidenzjalità mill-operatur tan-negozju tal-ikel skont il-paragrafu 1.

8.   L-applikazzjoni tal-paragrafi 1 sa 7 ma għandhiex taffettwa l-iskambju ta' informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri meħtieġ biex jiġu kkunsidrati t-talbiet għal konsultazzjoni ppreżentati skont dan ir-Regolament.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Marzu 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 327, 11.12.2015, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).


ANNESS I

MUDELL TAL-ITTRA LI TAKKUMPANJA TALBA GĦAL KONSULTAZZJONI BIEX JIĠI DDETERMINAT L-ISTATUS TA' IKEL ĠDID

Awtorità kompetenti tal-Istat Membru

Data: …

Suġġett: Talba għal konsultazzjoni biex jiġi ddeterminat l-istatus ta' ikel ġdid ta' …

L-Operatur(i) tan-negozju tal-ikel/il-parti li tikkonsulta:

Kumpanija: …

Indirizz: …

Telefown: …

Email: …

Persuna ta' kuntatt: …

tippreżenta/jippreżenta(w) it-talba għal konsultazzjoni attwali biex jiġi ddeterminat l-istatus ta' ikel ġdid ta' …

Dejjem tiegħek,

Firma …

Dokumenti mehmuża:

Dossier tekniku

Dokumenti ta' appoġġ tat-talba għal konsultazzjoni

Nota ta' spjegazzjoni


ANNESS II

MUDELL TAD-DOSSIER TEKNIKU

Ir-rabta bejn il-biċċiet differenti tal-informazzjoni għandha tiġi spjegata fin-nota ta' spjegazzjoni. B'mod partikolari, fejn għandha x'taqsam l-evidenza biex issostni l-konsum mill-bniedem f'livell sinifikanti, li ġiet ippreżentata fl-Unjoni qabel il-15 ta' Mejju 1997, f'każ li jridu jitqiesu dokumenti li ġejjin minn firxa ta' sorsi sabiex wieħed jasal għal konklużjoni.

Meta partijiet biss mid-dokumenti jkunu rilevanti biex jiġi ddeterminat l-istatus ta' ikel ġdid, dawk il-partijiet għandhom jiġu indikati b'enfasi.

Għall-oġġetti tal-ikel kollha, trid timtela t-Taqsima 1.

Għall-estratti, minbarra t-Taqsima 1, trid timtela t-Taqsima 2.

Għall-ikel li joriġina minn proċess ta' produzzjoni li ma ntużax għall-produzzjoni tal-ikel fl-Unjoni qabel il-15 ta' Mejju 1997, iridu jimtlew it-Taqsima 1 (il-punti 1 sa 3 u l-punt 7) u t-Taqsima 3.

Taqsima 1: L-ikel kollu (għall-ikel li joriġina minn proċess ta' produzzjoni li ma ntużax għall-produzzjoni tal-ikel fl-Unjoni qabel il-15 ta' Mejju 1997, iridu jimtlew biss il-punti 1 sa 3 u l-punt 7)

1.

Deskrizzjoni tal-ikel

1.1.

Isem tal-ikel

 

1.2.

Deskrizzjoni dettaljata tal-ikel, inkluża l-informazzjoni dwar jekk l-ikel jikkonsistix jew le f'nanomaterjali maħduma kif imsemmija fil-punti (a) (viii) u (ix) tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) 2015/2283 (1)

 

1.3.

Kategorija proposta tal-ikel ġdid skont l-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament (UE) 2015/2283, fejn applikabbli

 


2.

Karatterizzazzjoni ulterjuri tal-ikel u/jew tas-sors tal-ikel (fejn rilevanti)
A.   

Organiżmi (mikroorganiżmi, fungi, algi, pjanti, annimali)

2.1.

Isem tassonomiku (l-isem sħiħ bil-Latin bl-isem tal-awtur)

 

2.2.

Sinonimi, ismijiet oħra, fejn applikabbli

 

2.3.

Speċifikazzjoni tal-parti mill-organiżmu li għaliha jirreferi l-użu għall-konsum mill-bniedem fl-Unjoni qabel il-15 ta' Mejju 1997, fejn applikabbli

 

2.4

Speċifikazzjoni dwar il-purità/konċentrazzjoni

 

B.   

Sustanzi kimiċi

2.5.

Numru jew numri CAS (jekk dan jew dawn ikunu ġew attribwiti)

 

2.6.

Isem jew ismijiet kimiċi skont ir-regoli tan-nomenklatura tal-IUPAC

 

2.7.

Sinonimi, isem kummerċjali, isem komuni, fejn applikabbli

 

2.8.

Formuli molekulari u strutturali

 

2.9.

Speċifikazzjoni dwar il-purità/konċentrazzjoni

 


3.

Kundizzjonijiet tal-użu

3.1.

B'liema mod huwa maħsub li jintuża l-ikel?

 

3.2.

Tip ta' prodott jew prodotti li fihom huwa maħsub li jintuża l-ikel

 

3.3.

Livell/konċentrazzjoni (jew firxa ta' livelli) fil-prodott jew prodotti li fihom huwa maħsub li jintuża l-ikel

 


4.

Proċess ta' produzzjoni

4.1.

Deskrizzjoni dettaljata tal-proċess ta' produzzjoni. Inkludi ċart tal-fluss tal-proċess biex tiddeskrivi l-proċess ta' produzzjoni.

 


5.

Storja tal-konsum mill-bniedem tal-ikel fl-Unjoni qabel il-15 ta' Mejju 1997

5.1.

Sa liema punt l-ikel ġie kkunsmat f'livell sinifikanti fl-Unjoni kollha qabel il-15 ta' Mejju 1997? Agħti d-dettalji.

 

5.2.

Sa liema punt l-ikel ġie kkunsmat f'livell sinifikanti fi Stat Membru wieħed qabel il-15 ta' Mejju 1997? Agħti d-dettalji.

 

5.3.

L-ikel ġie kkunsmat biss f'livell reġjonali/fuq skala lokali żgħira fl-Unjoni qabel il-15 ta' Mejju 1997? Agħti d-dettalji.

 

5.4.

L-ikel kien disponibbli qabel il-15 ta' Mejju 1997 fl-Unjoni bħala ingredjent maħsub għal popolazzjoni speċifika fil-mira (eż. ikel għal skop mediku speċjali)? Agħti d-dettalji.

 


6.

Konsultazzjonijiet dwar id-disponibbiltà fl-Unjoni

Meta l-operaturi tan-negozju tal-ikel ma jkunux ċerti dwar jekk l-informazzjoni li jkollhom hijiex biżżejjed biex juru li l-ikel ikkonċernat intuża f'livell sinifikanti għall-konsum mill-bniedem fl-Unjoni qabel il-15 ta' Mejju 1997, jistgħu jikkonsultaw lil operaturi oħra tan-negozju tal-ikel jew lill-federazzjonijiet tal-operaturi tan-negozju tal-ikel sabiex jiġbru biżżejjed informazzjoni.

6.1.

Ġew ikkonsultati operaturi oħra tan-negozju tal-ikel jew federazzjonijiet tal-operaturi tan-negozju tal-ikel? Agħti d-dettalji.

 

6.2.

L-ikel bħalissa jinsab disponibbli fis-suq fl-Unjoni? Agħti d-dettalji.

 


7.

Informazzjoni addizzjonali

7.1.

Teżisti xi informazzjoni li l-prodott ikkonċernat jintuża fl-Unjoni bħala prodott mediċinali skont id-Direttiva 2001/83/KE (2)?

 

7.2.

Hemm xi informazzjoni oħra li tista' tgħin biex jiġi ddeterminat l-istatus tal-ikel ġdid? Għandha tiġi ppreżentata kull informazzjoni li tkun rilevanti anki jekk ma tkunx speċifikament mitluba.

 

Taqsima 2: Estratti

8.

Estratti

8.1.

Kwalunkwe dettall ulterjuri dwar il-materjal sors għall-estratt, jekk ma jingħatax fit-Taqsima 1. Agħti d-dettalji.

 

8.2.

Speċifikazzjoni tal-estratt. Agħti d-dettalji.

 

8.3.

Jekk l-estratt ikun inkiseb minn sors tal-ikel, id-doża ta' kwalunkwe komponent tal-estratt fl-ikel se tkun ogħla mid-doża ta' dawn il-komponenti fis-sors tal-ikel? Agħti d-dettalji.

 


Taqsima 3: Ikel li joriġina minn proċess ta' produzzjoni li ma ntużax għall-produzzjoni tal-ikel fl-Unjoni qabel il-15 ta' Mejju 1997

9.

Proċess ta' produzzjoni

9.1.

Deskrizzjoni dettaljata tal-proċess ta' produzzjoni. Inkludi ċart tal-fluss tal-proċess biex tiddeskrivi l-proċess ta' produzzjoni.

 

9.2.

L-istruttura jew il-kompożizzjoni tal-ikel qed taffettwa l-valur nutrizzjonali tiegħu, il-metaboliżmu jew il-livell ta' sustanzi mhux mixtieqa minħabba l-proċess li bih jiġi ppreparat l-ikel? Agħti d-dettalji.

 

9.3.

L-ikel huwa prodott minn sors li fih innifsu ma jiġix normalment ikkunsmat bħala parti mid-dieta? Agħti d-dettalji.

 

(1)

Ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001 (ĠU L 327, 11.12.2015, p. 1).

(2)

Id-Direttiva 2001/83/KEE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x'jaqsam ma' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU L 311, 28.11.2001, p. 67).


DEĊIŻJONIJIET

20.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 77/14


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/457

tat-13 ta' Marzu 2018

li tawtorizza lil-Latvja biex tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 395 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Taħt l-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE kwalunkwe persuna taxxabbli li tagħmel provvista taxxabbli ta' merkanzija jew servizzi hija, bħala regola ġenerali, responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) lill-awtoritajiet tat-taxxa.

(2)

Taħt il-punt (h) tal-Artiklu 199a(1) tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT fuq provvisti tal-konsols tal-logħob tkun il-persuna taxxabbli li lilha ssir il-provvista (“il-mekkaniżmu tar-reverse charge”). Il-Latvja ma tagħmilx użu minn din l-għażla, għalkemm tapplika r-reverse charge għall-provvisti ta' kompjuters tablets u ta' laptops abbażi tal-punt (h) tal-Artikolu 199a(1) ta' dik id-Direttiva.

(3)

Minħabba l-ammont miżjud ta' frodi fis-settur tal-konsols tal-logħob fil-Latvja, il-Latvja tixtieq tintroduċi l-mekkaniżmu tar-reverse charge għall-provvisti domestiċi tal-konsols tal-logħob.

(4)

Taħt l-Artikolu 199a(1) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-mekkaniżmu tar-reverse charge jista' jiġi applikat sal-31 ta' Diċembru 2018, għal perjodu minimu ta' sentejn. Billi mhijiex sodisfatta l-kundizzjoni tal-perjodu ta' sentejn, il-Latvja ma tistax tapplika l-mekkaniżmu tar-reverse charge abbażi tal-punt (h) tal-Artikolu 199a(1) tad-Direttiva 2006/112/KE.

(5)

Permezz ta' ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fil-15 ta' Novembru 2017, il-Latvja talbet awtorizzazzjoni biex tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE sabiex tagħmel ir-riċevitur tal-provvista ta' konsols tal-logħob responsabbli għall-ħlas tal-VAT.

(6)

F'konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni infurmat, permezz ta' ittra tat-23 ta' Novembru 2017, lill-Istati Membri l-oħra bit-talba tal-Latvja. Permezz ta' ittra tal-24 ta' Novembru 2017, il-Kummissjoni nnotifikat lil-Latjva li hija kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.

(7)

Skont l-informazzjoni mogħtija mil-Latjva, l-ammont ta' frodi tal-VAT żdied f'rabta mal-provvisti tal-konsols tal-logħol wara l-introduzzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge għall-provvisti ta' mobile phones, tablets, laptops u apparati biċ-ċirkwiti integrati. Il-konsols tal-logħob huma partikolarment suxxettibbli għall-frodi tal-VAT billi huma relattivament żgħar, għandhom valur relattivament għoli u għandhom suq żviluppat tajjeb fuq l-Internet. Skont l-informazzjoni li bagħtet il-Latvja, hemm għadd ta' miżuri konvenzjonali li ġew introdotti mil-Latvja fil-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT. Madankollu, il-Latvja tqis li huwa meħtieġ li jiġi introdott il-mekkaniżmu tar-reverse charge għall-provvisti tal-konsols tal-logħob sabiex ma jkunx hemm telf fid-dħul tal-VAT għall-baġit pubbliku.

(8)

Għalhekk, sabiex tiġi impedita l-evażjoni tat-taxxa, jenħtieġ li l-Latvja tiġi awtorizzata tapplika l-mekkaniżmu tar-reverse charge għall-provvisti tal-konsols tal-logħob għal perjodu limitat.

(9)

Il-miżura speċjali ma għandha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li ġejjin mill-VAT,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B'deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttva 2006/112/KE, fil-każ tal-provvisti tal-konsols tal-logħob, il-Latvja hija awtorizzata tiddeżinja lir-riċevitur tal-provvista bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fil-jum tan-notifika tagħha.

Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2018.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Latvja.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Marzu 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

V. GORANOV


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.


20.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 77/16


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/458

tad-19 ta' Marzu 2018

li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 97/193/PESK dwar miżuri restrittivi mmirati lejn persuni li wettqu atti vjolenti fl-inċidenti ta' Mostar nhar l-10 ta' Frar 1997

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-17 ta' Marzu 1997, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 97/193/PESK (1).

(2)

Abbażi ta' rieżami tal-Pożizzjoni Komuni 97/193/PESK, il-miżuri imposti mill-Pożizzjoni Komuni jenħtieġ li jitneħħew.

(3)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Pożizzjoni Komuni 97/193/PESK titħassar,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Pożizzjoni Komuni 97/193/PESK hija b'dan imħassra.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Marzu 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)  Il-Pożizzjoni Komuni 97/193/PESK tas-17 ta' Marzu 1997 definita mill-Kunsill fuq il-bażi tal-Artikolu J.2 fit-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea, jirrestrinġi persuni li jkunu wettqu atti vjolenti fl-inċidenti ta' Mostar nhar l-10 ta' Frar 1997 (ĠU L 81, 21.3.1997, p. 1).


20.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 77/17


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/459

tad-19 ta' Marzu 2018

li temenda d-Deċiżjoni 2011/173/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Bożnija-Ħerzegovina

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-21 ta' Marzu 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/173/PESK (1), dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Bożnija-Ħerzegovina.

(2)

Abbażi ta' rieżami tad-Deċiżjoni 2011/173/PESK, jenħtieġ li dawk il-miżuri restrittivi jiġġeddu sal-31 ta' Marzu 2019.

(3)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2011/173/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2011/173/PESK huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta' Marzu 2019.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Marzu 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)  Il-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/173/PESK tal-21 ta' Marzu 2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Bosnja-Ħerzegovina (ĠU L 76, 22.3.2011, p. 68).