ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 71

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 61
14 ta' Marzu 2018


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/394 tat-13 ta' Marzu 2018 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 965/2012 fir-rigward tat-tneħħija tar-rekwiżiti tal-operazzjonijiet bl-ajru għall-blalen tal-arja

1

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/395 tat-13 ta' Marzu 2018 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-operat tal-blalen tal-arja skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

10

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/396 tat-13 ta' Marzu 2018 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana

36

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/397 tat-8 ta' Marzu 2018 dwar it-tnedija ta' skambju awtomatizzat ta' data fir-rigward ta' data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi fil-Portugall

38

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

14.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 71/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/394

tat-13 ta' Marzu 2018

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 965/2012 fir-rigward tat-tneħħija tar-rekwiżiti tal-operazzjonijiet bl-ajru għall-blalen tal-arja

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 (2) jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għas-sikurezza ta' bosta tipi ta' operazzjonijiet bl-ajru b'kategoriji differenti ta' inġenji tal-ajru, inklużi l-operazzjonijiet bil-blalen tal-arja.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/395 (3) li jistabbilixxi regoli speċifiċi rigward l-operat ta' blalen tal-arja. Mid-data tal-applikazzjoni ta' dak ir-Regolament, jenħtieġ li dawn l-operazzjonijiet ma jibqgħux soġġetti għar-regoli ġenerali għall-operazzjonijiet bl-ajru stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 965/2012. Madankollu, ir-regoli relatati mas-sorveljanza tal-operazzjonijiet bl-ajru mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif stipulat fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 965/2012 u l-Anness II tiegħu, jenħtieġ li jkomplu japplikaw fir-rigward tal-operazzjonijiet bl-ajru bil-blalen tal-arja, peress li dawk ir-rekwiżiti mhumiex speċifiċi għal xi attività partikolari ta' operazzjoni bl-ajru, iżda japplikaw b'mod orizzontali fir-rigward tal-attivitajiet kollha bħal dawn.

(3)

Għalhekk, ir-Regolament (UE) Nru 965/2012 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan, sabiex jiġu meqjusa r-regoli l-ġodda applikabbli għall-operazzjonijiet ta' blalen tal-arja u biex, fejn xieraq, jiġu ċċarati d-dispożizzjonijiet ta' dak ir-Regolament.

(4)

Minħabba r-rabta mill-qrib bejniethom, id-data tal-applikazzjoni tal-emendi għar-Regolament (UE) Nru 965/2012 stipulati f'dan ir-Regolament għandha tiġi allinjata mad-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/395.

(5)

L-Aġenzija ħejjiet abbozz ta' regoli ta' implimentazzjoni u ressqithom bħala opinjoni (4) lill-Kummissjoni f'konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 17(2) u l-Artikolu 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008.

(6)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 65 tar-Regolament (KE) Nru 216/2008,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 965/2012 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1, 2 u 3 jinbidlu b'dan li ġej:

“1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dettaljati għall-operazzjonijiet bl-ajru b'ajruplani, ħelikopters u gliders, inklużi l-ispezzjonijiet fir-rampa ta' inġenji tal-ajru ta' operaturi li huma taħt is-sorveljanza tas-sikurezza ta' Stat ieħor meta jinżlu f'ajrudromi li jinsabu fit-territorju soġġett għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat.

2.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll regoli dettaljati dwar il-kundizzjonijiet għall-ħruġ, iż-żamma, l-emendar, il-limitazzjoni, is-sospensjoni jew ir-revoka taċ-ċertifikati tal-operaturi ta' inġenji tal-ajru msemmija fl-Artikolu 4(1)(b) u (c) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008, ħlief għall-blalen tal-arja, attivi f'operazzjonijiet ta' trasport kummerċjali bl-ajru, il-privileġġi u r-responsabilitajiet tad-detenturi taċ-ċertifikati kif ukoll il-kundizzjonijiet li fihom l-operazzjonijiet għandhom ikunu pprojbiti, limitati jew soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet fl-interess tas-sikurezza.

3.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll regoli dettaljati dwar il-kundizzjonijiet u l-proċeduri għad-dikjarazzjoni mressqa mill-operaturi involuti f'operazzjonijiet kummerċjali speċjalizzati ta' ajruplani, ħelikopters u gliders jew f'operazzjonijiet mhux kummerċjali ta' inġenji tal-ajru kumplessi li jaħdmu bil-magni, inklużi l-operazzjonijiet mhux kummerċjali speċjalizzati ta' inġenji tal-ajru kumplessi li jaħdmu bil-magni, tal-kapaċità tagħhom u tad-disponibbiltà tal-mezzi biex jaqdu r-responsabbiltajiet assoċjati mal-operat tal-inġenji tal-ajru, kif ukoll għas-sorveljanza ta' operaturi bħal dawn.”;

(b)

il-paragrafu 6 jinbidel b'dan li ġej:

“6.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal operazzjonijiet bl-ajru b'iġfna tal-ajru.”;

(c)

jiżdied il-paragrafu 7 li ġej:

“7.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal operazzjonijiet bl-ajru bi blalen tal-arja. Madankollu, fir-rigward ta' dawn l-operazzjonijiet bl-ajru bi blalen tal-arja, ħlief il-blalen tal-gass marbutin, għandhom japplikaw ir-rekwiżiti relatati mas-sorveljanza tal-Artikolu 3.”

(2)

Fl-Artikolu 2 jiddaħħlu l-punti (1a) u (1b) li ġejjin:

“(1a)

‘ballun tal-arja’ tfisser inġenju tal-ajru eħfef mill-arja b'ekwipaġġ li ma jkollux magna u li jtir fl-ajru permezz ta' gass eħfef mill-arja jew permezz ta' sistema li ssaħħan l-arja, inklużi blalen tal-gass, blalen tal-arja sħuna, blalen tal-arja mħallta u, għalkemm bil-magna, iġfna tal-ajru tal-arja sħuna;

(1b)

‘ballun tal-gass marbut’ tfisser ballun tal-gass b'sistema ta' rbit li żżomm il-ballun tal-arja kontinwament ankrat f'punt fiss matul l-operat;”

(3)

Fl-Artikolu 3(1), jiddaħħal it-tieni subparagrafu li ġej:

“Is-sistemi tal-amministrazzjoni u tal-ġestjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u tal-Aġenzija għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti speċifikati fl-Anness II”

(4)

L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

“1.   L-operaturi għandhom iħaddmu ajruplan, ħelikopter jew glider biss għall-fini ta' operazzjonijiet tat-trasport kummerċjali bl-ajru (minn hawn 'il quddiem imsejħa “CAT”) skont ir-rekwiżiti speċifikati fl-Annessi III u IV.”;

(b)

fil-paragrafu 2, il-punt (b) jinbidel b'dan li ġej:

“(b)

ajruplani, ħelikopters u gliders użati għat-trasport ta' oġġetti perikolużi;”;

(c)

il-paragrafu 4 jinbidel b'dan li ġej:

“4.   L-operaturi ta' ajruplani u ta' ħelikopters, ħlief inġenji tal-ajru kumplessi li jaħdmu b'magna, kif ukoll ta' gliders involuti f'operazzjonijiet mhux kummerċjali, inklużi operazzjonijiet mhux kummerċjali speċjalizzati, għandhom joperaw biss l-inġenju tal-ajru skont id-dispożizzjonijiet speċifikati fl-Anness VII.”

(d)

fil-paragrafu 5, il-punt (b) jinbidel b'dan li ġej:

“(b)

ajruplani u ħelikopters oħrajn, kif ukoll gliders, skont id-dispożizzjonijiet speċifikati fl-Anness VII.”;

(e)

il-paragrafu 6 jinbidel b'dan li ġej:

“6.   L-operaturi għandhom iħaddmu biss ajruplan, ħelikopter jew glider għall-fini ta' operazzjonijiet kummerċjali speċjalizzati f'konformità mar-rekwiżiti speċifikati fl-Annessi III u VIII.”;

(5)

L-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 3 jinbidel b'dan li ġej:

“3.   B'deroga mill-Artikolu 5 ta' dan ir-Regolament, u mingħajr preġudizzju għall-punt (a) tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u għas-Subparti P tal-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012 (*1) dwar il-permess għat-titjir, it-titjiriet li ġejjin għandhom ikomplu joperaw skont ir-rekwiżiti speċifikati fil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li fih l-operatur ikollu l-post prinċipali tan-negozju tiegħu, jew, fejn l-operatur ma jkollux il-post prinċipali tan-negozju, il-post fejn l-operatur ikun stabbilit jew residenti.

(a)

titjiriet relatati mal-introduzzjoni jew il-modifika ta' tipi ta' ajruplan, ħelikopter jew glider imwettqin mill-organizzazzjonijiet tad-disinn jew tal-produzzjoni fl-ambitu tal-privileġġi tagħhom;

(b)

titjiriet li ma jġorru l-ebda passiġġier jew merkanzija fejn l-ajruplan, il-ħelikopter jew il-glider jiġi ttrasportat għal rinnovament, tiswija, verifiki ta' manutenzjoni, spezzjonijiet, konsenja, esportazzjoni jew għanijiet simili.

(*1)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012 tat-3 ta' Awwissu 2012 li jistabbilixxi regoli ta' implimentazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni tal-airworthiness u ambjentali ta' inġenji tal-ajru u ta' prodotti, partijiet u tagħmir relatati, kif ukoll għaċ-ċertifikazzjoni ta' organizzazzjonijiet relatati mad-disinn u l-produzzjoni (ĠU L 224, 21.8.2012, p. 1)”"

(b)

fil-paragrafu 4a, il-kliem introduttorju jinbidel b'dan li ġej:

“B'deroga mill-Artikolu 5(1) u (6), l-operazzjonijiet li ġejjin b'ajruplani u ħelikopters mhux kumplessi li jaħdmu b'magna, u gliders jistgħu jitwettqu f'konformità mal-Anness VII:”;

(6)

L-Artikolu 8 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 8

Limitazzjonijiet fuq il-ħin tat-titjir

1.   L-operazzjonijiet CAT għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżiti tas-Subparti FTL tal-Anness III.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-operazzjonijiet CAT ta' air taxi, ta' servizz mediku ta' emerġenza u ta' pilota wieħed bl-ajruplani għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżiti speċifikati fil-liġi nazzjonali msemmija fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament (KEE) Nru 3922/91 u fis-Subparti Q tal-Anness III ta' dak ir-Regolament.

3.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-operazzjonijiet CAT bil-ħelikopters u l-operazzjonijiet CAT bil-gliders għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti speċifikati fil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li fih l-operatur ikollu l-post prinċipali tan-negozju tiegħu.

4.   Operazzjonijiet mhux kummerċjali, inklużi operazzjonijiet mhux kummerċjali speċjalizzati, b'ajruplani u b'ħelikopters kumplessi li jaħdmu b'magna, kif ukoll operazzjonijiet kummerċjali speċjalizzati b'ajruplani, ħelikopters u gliders għandhom jikkonformaw fir-rigward tal-limitazzjonijiet fuq il-ħin tat-titjir, mar-rekwiżiti speċifikati fil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li fih l-operatur ikollu l-post prinċipali tan-negozju tiegħu, jew, fejn l-operatur ma jkollux il-post prinċipali tan-negozju, il-post fejn l-operatur ikun stabbilit jew residenti.”

(7)

L-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 2 u 3 jinbidlu b'dan li ġej:

“2.   Ir-rekwiżiti tal-Annessi II u VII għandhom japplikaw għal operazzjonijiet mhux kummerċjali bil-glajders mill-25 ta' Awwissu 2013. Madankollu, l-Istati Membri li qabel it-8 ta' April 2019 ikunu ddeċidew li, skont il-liġi tal-Unjoni, xi wħud minn dawk ir-rekwiżiti jew kollha kemm huma ma japplikawx għal operazzjonijiet bħal dawn fit-territorju tagħhom, għandhom jagħmlu dawk id-deċiżjonijiet għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. Jekk xi deċiżjoni bħal din tkun għadha fis-seħħ sat-8 ta' April 2020, din għandha tieqaf tapplika minn dik id-data.

3.   Ir-rekwiżiti tal-Annessi II, III, VII u VIII għandhom japplikaw għall-operazzjonijiet speċjalizzati bil-glajders mill-1 ta' Lulju 2014. Madankollu, l-Istati Membri li qabel it-8 ta' April 2019 ikunu ddeċidew li, skont il-liġi tal-Unjoni, xi wħud minn dawk ir-rekwiżiti jew kollha kemm huma ma japplikawx għal operazzjonijiet bħal dawn fit-territorju tagħhom, għandhom jagħmlu dawk id-deċiżjonijiet għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. Jekk xi deċiżjoni bħal din tkun għadha fis-seħħ sat-8 ta' April 2020, din għandha tieqaf tapplika minn dik id-data.”

(b)

fil-paragrafu 5, il-punt (b) jinbidel b'dan li ġej:

“(b)

għal operazzjonijiet CAT bil-glajders mill-1 ta' Lulju 2014. Madankollu, l-Istati Membri li qabel it-8 ta' April 2019 ikunu ddeċidew li, skont il-liġi tal-Unjoni, xi wħud minn dawk ir-rekwiżiti jew kollha kemm huma ma japplikawx għal operazzjonijiet bħal dawn fit-territorju tagħhom, għandhom jagħmlu dawk id-deċiżjonijiet għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. Jekk xi deċiżjoni bħal din tkun għadha fis-seħħ sat-8 ta' April 2020, din għandha tieqaf tapplika minn dik id-data.”

(8)

L-Annessi I, II, III, IV, VII u VIII huma emendati skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mit-8 ta' April 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Marzu 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 tal-5 ta' Ottubru 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 296, 25.10.2012, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/395 tat-13 ta' Marzu 2018 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-operat ta' blalen tal-arja skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ara l-paġna 10 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  L-Opinjoni Nru 01/2016 tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tas-6 ta' Jannar 2016 għal Regolament tal-Kummissjoni dwar ir-rieżami tar-regoli operattivi Ewropej għall-blalen tal-arja.


ANNESS

L-Annessi I, II, III, IV, VII u VIII tar-Regolament (UE) Nru 965/2012 huma emendati kif ġej:

(1)

Fl-Anness I, il-punt (120) jinbidel b'dan li ġej:

“(120)

“tagħbija tat-traffiku” tfisser il-massa totali ta' passiġġieri, bagalji, merkanzija u tagħmir speċjalizzat portabbli inkluża s-saborra;”;

(2)

L-Anness II qed jiġi emendat kif ġej:

(a)

fil-punt ARO.GEN.345, il-punt (a) jinbidel b'dan li ġej:

“(a)

Malli tirċievi dikjarazzjoni minn organizzazzjoni li twettaq jew li għandha l-ħsieb li twettaq attivitajiet li għalihom hija meħtieġa dikjarazzjoni, l-awtorità kompetenti għandha tivverifika li d-dikjarazzjoni jkun fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa skont il-punt ORO.DEC.100 tal-Anness III (il-Parti ORO) ta' dan ir-Regolament, jew fil-każ tal-operaturi tal-blalen tal-arja l-informazzjoni kollha meħtieġa skont il-punt BOP.ADD.100 tal-Anness II (il-Parti BOP) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/395 (*1), u għandha tikkonferma l-wasla tad-dikjarazzjoni lill-organizzazzjoni.

(*1)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/395 tat-13 ta' Marzu 2018 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-operat tal-blalen tal-arja skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 71, 14.3.2018, p. 10)”;"

(b)

fil-punt ARO.GEN.350(b), il-punt (1) jinbidel b'dan li ġej:

“(1)

in-nuqqas ta' għoti ta' aċċess lill-awtorità kompetenti għall-faċilitajiet tal-organizzazzjoni skont il-punt ORO.GEN.140 tal-Anness III (il-Parti ORO) ta' dan ir-Regolament, jew fil-każ tal-operaturi tal-blalen tal-arja skont il-punti BOP.ADD.015 u BOP.ADD.035 tal-Anness II (il-Parti BOP) tar-Regolament (UE) 2018/395, matul il-ħinijiet normali tax-xogħol u wara żewġ talbiet bil-miktub;”;

(c)

l-intestatura tal-punt ARO.OPS.110 tinbidel b'dan li ġej:

“ARO.OPS.110   Ftehimiet ta' kiri għal ajruplani u ħelikopters”;

(3)

L-Anness III huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-punt ORO.GEN.110, il-punt (k) jinbidel b'dan li ġej:

“(k)

Minkejja l-punt (j), l-operaturi li jwettqu operazzjonijiet kummerċjali fi kwalunkwe wieħed minn dawn l-inġenji tal-ajru li ġejjin għandhom jiżguraw li l-ekwipaġġ tat-titjira rċieva taħriġ jew struzzjonijiet xierqa dwar l-oġġetti perikolużi, sabiex ikunu jistgħu jagħrfu oġġetti perikolużi mhux iddikjarati li jiġu mtellgħin abbord minn passiġġieri jew bħala merkanzija:

(1)

glider;

(2)

ajruplan b'magna waħda li jaħdem bl-iskrejjen b'massa massima ta' tlugħ iċċertifikata ta' 5 700 kg jew inqas u b'MOPSC ta' 5 jew inqas li jiġi operat f'titjira bit-tlugħ u l-inżul fl-istess ajrudrom jew sit operatorju, skont il-VFR binhar;

(3)

ħelikopters ħlief inġenji tal-ajru kumplessi mħaddmin b'magna, b'magna waħda, b'MOPSC ta' 5 jew inqas li jiġu operati f'titjira bit-tlugħ u l-inżul fl-istess ajrudrom jew sit operatorju, skont il-VFR binhar.”;

(b)

fil-punt ORO.MLR.101, il-parti introduttorja tinbidel b'dan li ġej:

“Ħlief għal operazzjonijiet b'ajruplani b'magna waħda li jaħdmu bl-iskrejjen b'MOPSC ta' 5 jew inqas jew b'ħelikopters mhux kumplessi b'magna waħda b'MOPSC ta' 5 jew inqas, li jitilqu u jinżlu fl-istess ajrudrom jew sit tal-operat, skont il-VFR binhar, u għal operazzjonijiet bi glajders, l-istruttura ewlenija tal-OM għandha tkun kif ġej:”;

(c)

fil-punt ORO.FC.005(b), il-punt (1) jinbidel b'dan li ġej:

“(1)

operazzjonijiet tat-trasport kummerċjali bl-ajru bi glajders; jew”;

(d)

fil-punt ORO.CC.100, il-punt (a) jinbidel b'dan li ġej:

“(a)

L-għadd u l-kompożizzjoni tal-ekwipaġġ tal-kabina għandhom ikunu stabbiliti skont il-punt 7.a tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 216/2008, filwaqt li jitqiesu l-fatturi jew iċ-ċirkustanzi operattivi tat-titjira partikulari li għandha tiġi operata. Għandu jkun assenjat mill-inqas membru wieħed tal-ekwipaġġ tal-kabina għall-operazzjoni ta' inġenju tal-ajru li jkollu MOPSC ta' iktar minn 19-il sit, meta jkun qed jinġarr passiġġier wieħed jew iktar.”;

(4)

L-Anness IV qed jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-punt CAT.GEN.105 huwa emendat kif ġej:

(i)

l-intestatura tinbidel b'dan li ġej:

“CAT.GEN.105   Touring motor gliders u glajders bil-mutur”;

(ii)

il-punt (d) jitħassar;

(b)

il-punt CAT.GEN.NMPA.100 huwa emendat kif ġej:

(i)

fil-punt (a), il-punt (2) jinbidel b'dan li ġej:

“(2)

ikun responsabbli għall-operazzjoni u s-sikurezza tal-glajder mill-mument li fih tinbeda l-proċedura ta' tluq sakemm il-glajder jieqaf fi tmiem it-titjira;”;

(ii)

il-punt (d) jitħassar;

(c)

il-punt CAT.GEN.NMPA.105 jitħassar;

(d)

fil-punt CAT.GEN.NMPA.140(a), il-punt 19 jinbidel b'dan li ġej:

“(19)

id-dokumentazzjoni dwar il-bilanċ u l-massa;”;

(e)

il-punt CAT.OP.NMPA.105 jinbidel b'dan li ġej:

“CAT.OP.NMPA.105   Proċeduri għat-tnaqqis tal-istorbju — glajders bil-mutur

Il-kmandant għandu jqis l-effett tal-istorbju tal-inġenju tal-ajru u fl-istess waqt jiżgura li s-sikurezza jkollha prijorità fuq it-tnaqqis tal-istorbju.”;

(f)

il-punt CAT.OP.NMPA.110 jitħassar;

(g)

il-punt CAT.OP.NMPA.135 jitħassar;

(h)

il-punt CAT.OP.NMPA.140 jinbidel b'dan li ġej:

“CAT.OP.NMPA.140   Tipjip abbord

Għall-ebda persuna ma hu permess it-tipjip abbord glajder.”;

(i)

il-punt CAT.OP.NMPA.165 jitħassar;

(j)

il-punt CAT.OP.NMPA.180 jitħassar;

(k)

fis-Subparti C, it-Taqsima 5 titħassar;

(l)

is-Subparti D, it-Taqsima 4 titħassar;

(5)

L-Anness VII (il-Parti NCO) huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt NCO.GEN.102 huwa emendat kif ġej:

(i)

l-intestatura tinbidel b'dan li ġej:

“NCO.GEN.102   Touring motor gliders u glajders bil-mutur”;

(ii)

il-punt (d) jitħassar;

(b)

fil-punt NCO.GEN.103, il-punt (a) jinbidel b'dan li ġej:

“(a)

jibdew u jintemmu fl-istess ajrudrom jew sit operazzjonali, ħlief għall-glajders;”;

(c)

il-punt NCO.GEN.105 huwa emendat kif ġej:

(i)

fil-punt (a)(4), il-punti (iii) u (iv) jinbidlu b'dan li ġej:

“(iii)

l-istrumenti u t-tagħmir meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta' dik it-titjira huma installati fuq l-inġenju tal-ajru u huma operattivi, diment li tkun permessa l-operazzjoni b'tagħmir mhux operattiv bil-lista ta' tagħmir minimu (MEL) jew b'dokument ekwivalenti, jekk ikun applikabbli, kif previst fil-punti NCO.IDE.A.105, NCO.IDE.H.105 jew NCO.IDE.S.105;

(iv)

il-massa tal-inġenju tal-ajru u l-punt taċ-ċentru tal-gravità huma tali li t-titjira tista' tiġi eżegwita fil-limiti msemmijin fid-dokumentazzjoni tal-ajrunavigabbiltà;”;

(ii)

fil-punt (f), il-punt (1) jinbidel b'dan li ġej:

“(1)

iżomm iċ-ċintorin tas-sikurezza tiegћu meta jkun f'postu; u”;

(d)

il-punt NCO.GEN.106 jitħassar;

(e)

fil-punt NCO.GEN.135, il-punt (c) jinbidel b'dan li ġej:

“(c)

Minkejja l-punt (a), għal titjiriet fuq glajders, esklużi t-touring motor gliders (TMGs), id-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fil-punti (a)(2) sa (a)(8) u l-punti (a)(11), (a)(12) u (a)(13) jistgħu jinġarru fuq il-vettura li tiġbor kollox lura.”;

(f)

il-punt NCO.OP.121 jitħassar;

(g)

il-punt NCO.OP.127 jitħassar;

(h)

il-punt NCO.OP.150 jinbidel b'dan li ġej:

“NCO.OP.150   Ġarr tal-passiġġieri

Qabel u matul it-taxiing, it-tlugħ u l-inżul u kull meta jitqies neċessarju, fl-interess tas-sikurezza l-bdot fil-kmand gћandu jiżgura li kull passiġġier abbord ikun bilqiegћda f'sit jew f'post u jkun maqful sew b'ċinturin tas-sikurezza jew b'tagħmir ta' restrizzjoni;”;

(i)

il-punt NCO.OP.156 jinbidel b'dan li ġej:

“NCO.OP.156   Tipjip abbord — glajders

Għall-ebda persuna ma hu permess it-tipjip abbord glajder.”;

(j)

il-punt NCO.OP.176 jitħassar;

(k)

il-punt NCO.OP.185 jinbidel b'dan li ġej:

“NCO.OP.185   Ġestjoni tal-fjuwil waqt it-titjira

F'intervalli regolari l-bdot fil-kmand għandu jikkontrolla li l-ammont ta' fjuwil li jista' jintuża li jkun għad fadal għal waqt it-titjira, ma jkunx anqas mill-fjuwil meħtieġ biex jipproċedi lejn ajrudorm jew lejn sit tal-operat funzjonali li jista' jintlaħaq fil-kundizzjonijiet tat-temp attwali u li r-riżerva tal-fjuwil ippjanata tkun skont kif meħtieġ fil-punti NCO.OP.125 jew NCO.OP.126.”;

(l)

il-punt NCO.OP.215 jitħassar;

(m)

fil-punt NCO.POL.100, il-punt (a) jinbidel b'dan li ġej:

“(a)

Matul kull fażi tal-operazzjoni, it-tagħbija, il-massa u l-pożizzjoni taċ-ċentru tal-gravità (CG) tal-inġenju tal-ajru għandhom ikunu konformi ma' kwalunkwe limitazzjoni speċifikata fl-AFM jew f'dokument ekwivalenti.”;

(n)

il-punt NCO.POL.105 jinbidel b'dan li ġej:

“NCO.POL.105   Użin

(a)

L-operatur għandu jiżgura li l-massa u ċ-ċentru tal-gravità tal-inġenju tal-ajru ikunu ġew stabbiliti permezz ta' użin reali qabel ma dan jintuża għall-ewwel darba. L-effetti akkumulati tal-modifiki u t-tiswijiet fuq il-massa u l-bilanċ għandhom jitqiesu u jiġu ddokumentati kif xieraq. Din l-informazzjoni għandha ssir disponibbli għall-bdot fil-kmand. L-inġenju tal-ajru għandu jerġa' jintiżen jekk l-effett tal-modifiki fuq il-massa u l-bilanċ ma jkunx magħruf b'mod preċiż.

(b)

L-użin għandu jsir:

(1)

mill-manifattur tal-inġenju tal-ajru jew minn organizzazzjoni tal-manutenzjoni approvata, fil-każ tal-ajruplani u tal-ħelikopters; kif ukoll

(2)

għall-glajders, mill-manifattur tal-inġenju tal-ajru jew f'konformità mal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1321/2014.”;

(o)

is-Subparti D, it-Taqsima 4 titħassar;

(p)

fil-punt NCO.SPEC.115, il-punt (b) jinbidel b'dan li ġej:

“(b)

Fl-interess tas-sikurezza, matul il-fażijiet kritiċi tat-titjira jew kull meta dan jitqies neċessarju mill-bdot fil-kmand, il-membru tal-ekwipaġġ għandu jkun marbut fil-post assenjat lilu, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fil-lista ta' kontroll.”;

(q)

f'NCO.SPEC.120, il-punt (b) jinbidel b'dan li ġej:

“(b)

Fl-interess tas-sikurezza, matul il-fażijiet kritiċi tat-titjira jew kull meta dan jitqies neċessarju mill-bdot fil-kmand, l-ispeċjalist fil-kompitu għandu jkun marbut fil-post assenjat lilu, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fil-lista ta' kontroll.”;

(6)

L-Anness VIII qed jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-punt SPO.GEN.102 huwa emendat kif ġej:

(i)

l-intestatura tinbidel b'dan li ġej:

“SPO.GEN.102   Touring motor glajders, glajders bil-mutur”;

(ii)

il-punt (d) jitħassar;

(b)

fil-punt SPO.GEN.105, il-punt (b) jinbidel b'dan li ġej:

“(b)

Fl-interess tas-sikurezza, matul il-fażijiet kritiċi tat-titjira jew kull meta dan jitqies neċessarju mill-bdot fil-kmand, il-membru tal-ekwipaġġ għandu jkun marbut fil-post assenjat lilu, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fl-SOP.”;

(c)

fil-punt SPO.GEN.106, il-punt (b) jinbidel b'dan li ġej:

“(b)

Fl-interess tas-sikurezza, matul il-fażijiet kritiċi tat-titjira jew kull meta dan jitqies neċessarju mill-bdot fil-kmand, l-ispeċjalist fil-kompitu għandu jkun marbut fil-post assenjat lilu, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fl-SOP.”;

(d)

Fil-punt SPO.GEN.107(a)(4), il-punti (iii) u (iv) jinbidlu b'dan li ġej:

“(iii)

l-istrumenti u t-tagħmir meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta' dik it-titjira huma installati fuq l-inġenju tal-ajru u huma operattivi, diment li tkun permessa l-operazzjoni b'tagħmir mhux operattiv bil-lista ta' tagħmir minimu (MEL) jew b'dokument ekwivalenti, jekk ikun applikabbli, kif mitlub fil-punti SPO.IDE.A.105, SPO.IDE.H.105 jew SPO.IDE.S.105;

(iv)

il-massa tal-inġenju tal-ajru u l-punt taċ-ċentru tal-gravità huma tali li t-titjira tista' tiġi eżegwita fil-limiti preskritti fid-dokumentazzjoni tal-ajrunavigabbiltà;”;

(e)

il-punt SPO.GEN.108 jitħassar;

(f)

fil-punt SPO.GEN.140, il-punt (c) jinbidel b'dan li ġej:

“(c)

Minkejja l-punt (a), għal titjiriet fuq glajders, esklużi t-TMGs, id-dokumenti u l-informazzjoni fil-punti (a)(1) sa (a)(10) u l-punti (a)(13) sa (a)(19) jistgħu jinġarru fuq il-vettura li tiġbor kollox lura.”;

(g)

il-punt SPO.OP.121 jitħassar;

(h)

il-punt SPO.OP.132 jitħassar;

(i)

il-punt SPO.OP.160 jinbidel b'dan li ġej:

“SPO.OP.160   Użu tal-kuffji tal-widna

Kull membru tal-ekwipaġġ tat-titjira li huwa meħtieġ li jkun fis-servizz fil-kompartiment tal-ekwipaġġ tat-titjira għandu jilbes kuffji tal-widna b'mikrofonu tal-kuffja jew ekwivalenti u jużah bħala l-apparat primarju biex jikkomunika mal-ATS, ma' membri oħra tal-ekwipaġġ u mal-ispeċjalisti fil-kompitu.”;

(j)

il-punt SPO.OP.181 jitħassar;

(k)

il-punt SPO.OP.225 jitħassar;

(l)

fil-punt SPO.POL.100, il-punt (a) jinbidel b'dan li ġej:

“(a)

Matul kull fażi tal-operazzjoni, it-tagħbija, il-massa u l-pożizzjoni taċ-ċentru tal-gravità (CG) tal-inġenju tal-ajru għandhom ikunu konformi ma' kwalunkwe limitazzjoni speċifikata fil-manwal xieraq.”;

(m)

il-punt SPO.POL.105 jinbidel b'dan li ġej:

“SPO.POL.105   Massa u bilanċ

(a)

L-operatur għandu jiżgura li l-massa u ċ-ċentru tal-gravità tal-inġenju tal-ajru ikunu ġew stabbiliti permezz ta' użin reali qabel ma dan jintuża għall-ewwel darba. L-effetti akkumulati tal-modifiki u t-tiswijiet fuq il-massa u l-bilanċ għandhom jitqiesu u jiġu ddokumentati kif xieraq. Din l-informazzjoni għandha ssir disponibbli għall-bdot fil-kmand. L-inġenju tal-ajru għandu jerġa' jintiżen jekk l-effett tal-modifiki fuq il-massa u l-bilanċ ma jkunx magħruf b'mod preċiż.

(b)

L-użin għandu jsir:

(1)

mill-manifattur tal-inġenju tal-ajru jew minn organizzazzjoni tal-manutenzjoni approvata, fil-każ tal-ajruplani u tal-ħelikopters; kif ukoll

(2)

għall-glajders, mill-manifattur tal-inġenju tal-ajru jew f'konformità mal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1321/2014.”;

(n)

is-Subparti D, it-Taqsima 4 titħassar;

(o)

il-punt SPO.SPEC.PAR.120 jitħassar.



14.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 71/10


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/395

tat-13 ta' Marzu 2018

li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-operat tal-blalen tal-arja skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Kummissjoni għandha tadotta regoli ta' implimentazzjoni neċessarji biex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet għall-operat sikur tal-blalen tal-arja skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008, meta inġenji tal-ajru bħal dawn ikunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet speċifikati fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 4(1) ta' dak ir-Regolament.

(2)

Fid-dawl tan-natura speċifika tal-operazzjonijiet bil-blalen tal-arja, hemm il-ħtieġa ta' regoli operattivi speċifiċi, stabbiliti f'Regolament awtonomu. Dawn ir-regoli jenħtieġ li jkunu bbażati fuq ir-regoli ġenerali għall-operazzjonijiet bl-ajru stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 (2), iżda jenħtieġ li jiġu ristrutturati u ssimplifikati, sabiex ikun żgurat li dawn ikunu proporzjonati u msejsa fuq approċċ ibbażat fuq ir-riskju, waqt li jkun żgurat li l-operazzjonijiet bil-blalen tal-arja jitwettqu b'mod sikur.

(3)

Madankollu, ir-regoli speċifiċi għall-operazzjonijiet tal-ajru bil-blalen tal-arja jenħtieġ li ma jiġux estiżi għar-rekwiżiti fir-rigward tas-sorveljanza tal-operazzjonijiet tal-ajru mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, minħabba li dawk ir-rekwiżiti mhumiex speċifiċi għal xi attività partikolari ta' operazzjoni fl-ajru iżda japplikaw b'mod orizzontali fir-rigward ta' attivitajiet bħal dawn. Għalhekk, fir-rigward tas-sorveljanza, ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 965/2012 u fl-Anness II ta' dak ir-Regolament jenħtieġ li jkomplu japplikaw anki fir-rigward tal-operazzjonijiet tal-ajru bil-blalen tal-arja.

(4)

Fl-interess tas-sikurezza u bl-għan li tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 216/2008, l-operaturi kollha tal-blalen tal-arja koperti minn dan ir-Regolament, bl-eċċezzjoni tal-organizzazzjonijiet tad-disinn jew tal-produzzjoni li jwettqu ċerti operazzjonijiet, għandhom ikunu soġġetti għal serje ta' rekwiżiti bażiċi.

(5)

Sabiex tiġi pprovduta protezzjoni addizzjonali għall-passiġġieri tal-blalen tal-arja, jenħtieġ li jiġu previsti ċerti rekwiżiti addizzjonali għall-operaturi involuti fl-operazzjonijiet kummerċjali bil-blalen tal-arja li jenħtieġ li jiġu applikati flimkien mar-rekwiżiti bażiċi.

(6)

Dawk ir-rekwiżiti addizzjonali jenħtieġ li jqisu n-natura anqas kumplessa tal-operazzjonijiet kummerċjali bil-blalen tal-arja meta mqabbla ma' forom oħra ta' avjazzjoni kummerċjali u jenħtieġ li jkunu proporzjonati u msejsa fuq approċċ ibbażat fuq ir-riskju. Għalhekk, huwa xieraq li r-rekwiżit ta' ċertifikat għall-operazzjonijiet kummerċjali stabbilit fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 jiġi sostitwit minn rekwiżit li ssir dikjarazzjoni minn qabel lill-awtorità kompetenti u li jiġu stabbiliti r-regoli dettaljati għal dawn id-dikjarazzjonijiet kif ukoll ċerti rekwiżiti addizzjonali oħra.

(7)

Madankollu, minħabba l-livell ta' kumplessità relattivament baxx u fid-dawl ta' approċċ ibbażat fuq ir-riskju, l-operaturi involuti f'ċerti operazzjonijiet kummerċjali bil-blalen tal-arja jenħtieġ li jiġu eżentati mir-rekwiżit ta' ċertifikazzjoni u minn dawk ir-rekwiżiti addizzjonali, inkluż ir-rekwiżit li ssir dikjarazzjoni minn qabel. Minflok, jenħtieġ li jiġu soġġetti biss għar-rekwiżiti bażiċi stabbiliti f'dan ir-Regolament li japplikaw għall-operazzjonijiet kollha tal-ajru bil-blalen tal-arja koperti minn dan ir-Regolament.

(8)

Sabiex tiġi żgurata t-tranżizzjoni bla xkiel u kemm jista' jkun tiġi evitata kwalunkwe interruzzjoni fl-introduzzjoni tar-reġim speċifiku ġdid għall-operazzjonijiet tal-blalen tal-arja stabbilit f'dan ir-Regolament, kwalunkwe ċertifikat, awtorizzazzjoni u approvazzjoni maħruġa lill-operaturi tal-blalen tal-arja skont ir-regoli applikabbli qabel id-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament jenħtieġ li jkomplu jkunu validi u jitqiesu li jikkostitwixxu dikjarazzjoni magħmula f'konformità ma' dan ir-Regolament għal perjodu ta' żmien limitat. Wara l-iskadenza ta' dak il-perjodu, jenħtieġ li l-operaturi kollha involuti fl-operazzjonijiet kummerċjali bil-blalen tal-arja jagħmlu dikjarazzjoni f'konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.

(9)

Sabiex tiġi żgurata t-tranżizzjoni bla xkiel u biex il-partijiet kollha kkonċernati jingħataw żmien biżżejjed biex jippreparaw għall-applikazzjoni ta' dak ir-reġim il-ġdid, dan ir-Regolament jenħtieġ li jibda japplika biss minn data xierqa aktar 'il quddiem.

(10)

L-Aġenzija ħejjiet abbozz ta' regoli ta' implimentazzjoni u ressqithom bħala opinjoni (3) lill-Kummissjoni f'konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 17(2) u l-Artikolu 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008.

(11)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 65 tar-Regolament (KE) Nru 216/2008,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dettaljati għall-operazzjonijiet tal-ajru bil-blalen tal-arja, meta inġenji tal-ajru bħal dawn ikunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008.

2.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal operazzjonijiet tal-ajru bil-blalen tal-gass marbutin.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“ballun tal-arja” tfisser inġenju tal-ajru eħfef mill-arja b'ekwipaġġ li ma jkollux magna u li jtir permezz ta' gass eħfef mill-arja jew permezz ta' sistema ta' tisħin fl-ajru, inklużi l-blalen tal-gass, il-blalen tal-arja sħuna, il-blalen tal-arja mħallta u, għalkemm bil-magna, l-iġfna tal-ajru tal-arja sħuna;

(2)

“ballun tal-gass” tfisser ballun tal-arja ħieles li jtir permezz ta' gass eħfef mill-arja;

(3)

“ballun tal-gass marbut” tfisser ballun tal-gass b'sistema ta' rbit li żżomm il-ballun tal-arja kontinwament ankrat f'punt fiss matul l-operat;

(4)

“ballun tal-arja ħieles” tfisser ballun tal-arja li ma jkunx kontinwament ankrat f'punt fiss matul l-operat;

(5)

“ballun tal-arja sħuna” tfisser ballun tal-arja ħieles li jtir permezz ta' arja msaħħna;

(6)

“ballun tal-arja mħallta” tfisser ballun tal-arja ħieles li jaħdem permezz ta' taħlita ta' arja sħuna u ta' gass mhux fjammabbli eħfef mill-arja;

(7)

“ġifen tal-ajru li jaħdem bl-arja sħuna” tfisser ballun tal-arja sħuna li jaħdem bil-magna, fejn il-magna ma tagħti l-ebda kontribut għat-tlugħ;

(8)

“titjira ta' kompetizzjoni” tfisser kwalunkwe operazzjoni tal-ajru mwettqa b'ballun tal-arja bl-għan ta' parteċipazzjoni fi tlielaq jew kompetizzjonijiet tal-ajru, inkluża l-prattika għal dawn l-operazzjonijiet u t-titjiriet minn fejn isiru t-tlielaq jew il-kompetizzjonijiet tal-ajru u lejhom;

(9)

“wirja tat-titjir” tfisser kwalunkwe operazzjoni tal-ajru mwettqa għall-finijiet ta' wiri jew divertiment f'avveniment irreklamat miftuħ għall-pubbliku, inkluż t-taħriġ għal dawn l-operazzjonijiet u t-titjiriet mill-avveniment irreklamat u lejh;

(10)

“titjira introduttorja” tfisser kwalunkwe operazzjoni tal-ajru bi ħlas jew xi kunsiderazzjoni oħra ta' valur li tikkonsisti f'mawra bl-ajru b'tul ta' żmien qasir, bl-għan li jiġu attirati apprendisti jew membri ġodda, imwettqa minn organizzazzjoni ta' taħriġ approvata f'konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 (4) jew minn organizzazzjoni maħluqa bl-għan li jiġu promossi l-isport tal-ajru jew l-avjazzjoni ta' divertiment;

(11)

“post prinċipali tan-negozju” tfisser l-uffiċċju ewlieni jew l-uffiċċju rreġistrat tal-operatur tal-blalen tal-arja li fih jitwettqu l-funzjonijiet finanzjarji prinċipali u l-kontroll operattiv tal-attivitajiet imsemmija f'dan ir-Regolament;

(12)

“ftehim ta' kiri mingħajr ekwipaġġ” tfisser ftehim bejn impriżi li permezz tiegħu l-ballun tal-arja jiġi operat taħt ir-responsabbiltà tal-kerrej.

Artikolu 3

Operazzjonijiet tal-ajru

1.   L-operaturi tal-blalen tal-arja għandhom joperaw il-ballun tal-arja skont ir-rekwiżiti stipulati fis-Sottoparti BAS tal-Anness II.

Madankollu, l-ewwel sottoparagrafu ma għandux japplika għall-organizzazzjonijiet relatati mad-disinn jew mal-produzzjoni li huma konformi mal-Artikoli 8 u 9, rispettivament, tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012 (5) u li joperaw il-ballun tal-arja, fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tal-privileġġi tagħhom, għall-finijiet tal-introduzzjoni jew tal-modifika tat-tipi ta' blalen tal-arja.

2.   Permezz ta' deroga mill-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008, ir-rekwiżit ta' ċertifikazzjoni stabbilit fih ma għandux japplika għall-operaturi involuti f'operazzjonijiet kummerċjali bil-blalen tal-arja.

Dawk l-operaturi għandhom ikunu biss intitolati li jkunu attivi f'operazzjonijiet kummerċjali bħal dawn wara li jkunu ddikjaraw lill-awtorità kompetenti l-kapaċità tagħhom u l-mezzi sabiex jaqdu r-responsabbiltajiet assoċjati mal-operat tal-ballun tal-arja. Għandhom jagħmlu dik id-dikjarazzjoni u joperaw il-ballun tal-arja, minbarra r-rekwiżiti stipulati fis-Sottoparti BAS, f'konformità mar-rekwiżiti stipulati fis-Sottoparti ADD tal-Anness II.

Madankollu, it-tieni sottoparagrafu ma għandux japplika għall-operaturi involuti f'dawn l-operazzjonijiet bil-blalen tal-arja li ġejjin:

(a)

operazzjonijiet bi spejjeż maqsuma bejn erba' individwi jew inqas, inkluż il-bdot, diment li l-ispejjeż diretti tat-titjira tal-ballun tal-arja u parti proporzjonali tal-ispejjeż annwali mġarrba għall-ħażna, l-assigurazzjoni u l-manutenzjoni tal-ballun tal-arja jinqasmu bejn dawk l-individwi kollha;

(b)

titjiriet ta' kompetizzjoni jew wirjiet ta' titjir, diment li l-ħlas jew kwalunkwe kunsiderazzjoni oħra ta' valur għal titjiriet bħal dawn ikunu limitati għall-irkupru tal-ispejjeż diretti tat-titjira tal-ballun tal-arja u ta' parti proporzjonali tal-ispejjeż annwali mġarrba għall-ħażna, l-assigurazzjoni u l-manutenzjoni tal-ballun tal-arja u li kwalunkwe premju miksub ma jaqbiżx il-valur speċifikat mill-awtorità kompetenti;

(c)

titjiriet introduttorji b'erba' individwi jew inqas, inkluż il-bdot, u titjiriet għall-finijiet ta' qbiż bil-paraxut, imwettqa jew minn organizzazzjoni ta' taħriġ bil-post prinċipali tan-negozju tagħha fi Stat Membru u approvata skont ir-Regolament (UE) Nru 1178/2011, jew minn organizzazzjoni maħluqa bil-għan li jiġi promoss l-isport tal-ajru jew l-avjazzjoni ta' divertiment, diment li l-ballun tal-arja jkun operat mill-organizzazzjoni abbażi ta' sjieda jew ta' ftehim ta' kiri mingħajr ekwipaġġ, li t-titjira ma tiġġenerax profitti distribwiti barra mill-organizzazzjoni, u li titjiriet bħal dawn ikunu jirrappreżentaw biss attività marġinali tal-organizzazzjoni;

(d)

titjiriet ta' taħriġ, imwettqa minn organizzazzjoni ta' taħriġ li jkollha l-post prinċipali tan-negozju tagħha fi Stat Membru u li tkun ġiet approvata skont ir-Regolament (UE) Nru 1178/2011.

Artikolu 4

Dispożizzjonijiet tranżitorji

Iċ-ċertifikati, l-awtorizzazzjonijiet u l-approvazzjonijiet maħruġa lill-operaturi tal-blalen tal-arja mill-Istati Membri qabel it-8 ta' April 2019 f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 965/2012 jew f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali konformi mal-Artikolu 10(2), (3) u (5)(b) tar-Regolament (UE) Nru 965/2012 għandhom jibqgħu validi sat-8 ta' Ottubru 2019.

Sat-8 ta' Ottubru 2019, kull referenza magħmula f'dan ir-Regolament għal dikjarazzjoni għandha tinftiehem ukoll bħala referenza għaċ-ċertifikati, għall-awtorizzazzjonijiet jew għall-approvazzjonijiet maħruġa mill-Istati Membri qabel it-8 ta' April 2019.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mit-8 ta' April 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Marzu 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 tal-5 ta' Ottubru 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 296, 25.10.2012, p. 1).

(3)  L-Opinjoni Nru 01/2016 tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tas-6 ta' Jannar 2016 għal Regolament tal-Kummissjoni dwar ir-rieżami tar-regoli operattivi Ewropej għall-blalen tal-arja.

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 tat-3 ta' Novembru 2011 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-ekwipaġġi tal-ajruplani tal-avjazzjoni ċivili skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 311, 25.11.2011, p. 1).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012 tat-3 ta' Awwissu 2012 li jistabbilixxi regoli ta' implimentazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni tal-airworthiness u ambjentali ta' inġenji tal-ajru u ta' prodotti, partijiet u tagħmir relatati, kif ukoll għaċ-ċertifikazzjoni ta' organizzazzjonijiet relatati mad-disinn u l-produzzjoni (ĠU L 224, 21.8.2012, p. 1).


ANNESS I

DEFINIZZJONIJIET

[PARTI-DEF]

Għall-finijiet tal-Anness II, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.

“mezzi aċċettabbli ta' konformità (AMC)” tfisser standards mhux vinkolanti adottati mill-Aġenzija sabiex juru l-mezzi li bihom tiġi stabbilita l-konformità mar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u mar-regoli ta' implimentazzjoni tiegħu;

2.

“mezzi alternattivi ta' konformità (AltMOC)” tfisser dawk il-mezzi ta' konformità li jipproponu alternattiva għal AMC eżistenti, jew dawk li jipproponu mezzi ġodda sabiex tiġi stabbilita l-konformità mar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u mar-regoli ta' implimentazzjoni tiegħu li għalihom ma ġie adottat l-ebda AMC assoċjat mill-Aġenzija;

3.

“il-bdot fil-kmand” tfisser il-bdot maħtur biex ikun fil-kmand u li huwa inkarigat iwettaq it-titjira b'mod sikur;

4.

“membru tal-ekwipaġġ” tfisser persuna assenjata minn operatur biex twettaq dmirijiet abbord il-ballun tal-arja jew fuq l-art, fejn id-dmirijiet ikunu direttament relatati mal-operat tal-ballun tal-arja;

5.

“membru tal-ekwipaġġ tat-titjira” tfisser membru tal-ekwipaġġ liċenzjat inkarigat bi dmirijiet essenzjali għall-operat ta' inġenju tal-ajru waqt perjodu ta' servizz ta' titjir;

6.

“sustanzi psikoattivi” tfisser alkoħol, opjojdi, kannabinojdi, sedattivi u ipnotiċi, kokaina, psikostimulanti oħrajn, alluċinoġeni u solventi volatili, filwaqt li l-kafé u t-tabakk huma esklużi;

7.

“aċċident” tfisser okkorrenza assoċjata mal-operat ta' ballun tal-arja li sseħħ bejn il-mument tal-bidu tal-perjodu tal-inflazzjoni tal-ballun tal-arja u l-mument tad-deflazzjoni totali tal-ballun tal-arja, li fiha:

(a)

persuna ssofri korrimenti fatali jew serji minħabba li tkun fil-ballun tal-arja jew minħabba kuntatt dirett ma' xi parti tal-ballun tal-arja, inklużi partijiet li jkunu nqalgħu minn mal-ballun tal-arja, iżda eskluż kwalunkwe korriment ikkawżat minn kawżi naturali jew li sar mill-persuna stess jew minn persuni oħrajn;

(b)

il-ballun tal-arja ssirlu ħsara jew nuqqas strutturali li jaffettwa b'mod negattiv is-saħħa strutturali, il-prestazzjoni jew il-karatteristiċi tat-titjira tiegħu u li jkun jirrikjedi ħafna tiswija jew il-bdil tal-komponent affettwat; jew

(c)

il-ballun tal-arja jintilef jew bl-ebda mod ma jkun aċċessibbli;

8.

“inċident” tfisser okkorrenza, minbarra aċċident, assoċjata mal-operat ta' ballun tal-ajra u li taffettwa jew li tista' taffettwa s-sikurezza tal-operat tiegħu;

9.

“inċident serju” tfisser okkorrenza assoċjata mal-operat tal-ballun tal-arja li sseħħ bejn il-mument tal-bidu tal-inflazzjoni tal-ballun tal-arja u l-mument meta l-ballun jinżel kompletament, li fiha kien hemm probabilità kbira li jseħħ aċċident;

10.

“fażijiet kritiċi tat-titjira” tfisser it-tlugħ, l-avviċinament finali, l-avviċinament mhux milħuq, l-inżul u kwalunkwe fażi oħra tat-titjira li l-bdot fil-kmand jiddetermina bħala kritika għall-operat sikur tal-ballun tal-arja;

11.

“manwal tat-titjira tal-inġenju tal-ajru (AFM)” tfisser id-dokument li fih il-limitazzjonijiet operattivi applikabbli u approvati u l-informazzjoni fir-rigward tal-ballun tal-arja;

12.

“oġġetti perikolużi” tfisser oġġetti jew sustanzi li jistgħu joħolqu riskju għas-saħħa, is-sikurezza, il-proprjetà jew l-ambjent u li huma inklużi fil-lista ta' oġġetti perikolużi fl-istruzzjonijiet tekniċi jew li għandhom jiġu kklassifikati bħala tali skont dawk l-istruzzjonijiet;

13.

“struzzjonijiet tekniċi” tfisser l-aħħar edizzjoni applikabbli tal-“Istruzzjonijiet Tekniċi għat-Trasport Sikur ta' Oġġetti Perikolużi bl-Ajru”, inkluż is-suppliment u kwalunkwe addenda, ippubblikata mill-ICAO fid-dokument 9284-AN/905;

14.

“sit tal-operat” tfisser sit magħżul mill-bdot fil-kmand jew mill-operatur għall-inżul, it-tlugħ jew l-operazzjonijiet ta' tagħbija esterna;

15.

“riforniment” tfisser il-mili taċ-ċilindri tal-fjuwil jew tat-tankijiet tal-fjuwil minn sors estern, eskluża s-sostituzzjoni taċ-ċilindri tal-fjuwil;

16.

“lejl” tfisser is-sigħat bejn it-tmiem tal-għabex ċivili ta' filgħaxija u l-bidu tas-sebħ ċivili ta' filgħodu. L-għabex ċivili jintemm filgħaxija meta ċ-ċentru ta' wiċċ ix-xemx ikun 6 gradi taħt l-orizzont u jibda filgħodu meta ċ-ċentru ta' wiċċ ix-xemx ikun 6 gradi taħt l-orizzont;

17.

“operazzjoni speċjalizzata bil-ballun tal-arja” tfisser kwalunkwe operazzjoni, li tista' tkun kummerċjali jew le, bil-ballun tal-arja li l-għan ewlieni tagħha mhuwiex il-ġarr tal-passiġġieri għal turiżmu jew biex jesperjenzaw titjira, iżda l-operazzjonijiet bil-paraxut, l-inżul b'hang glider, il-wirjiet ta' titjiriet, it-titjiriet ta' kompetizzjoni jew attivitajiet simili speċjalizzati;

18.

“tagħbija tat-traffiku” tfisser il-massa totali tal-passiġġieri, il-bagalji u t-tagħmir speċjalizzat portabbli;

19.

“massa tal-ballun mingħajr arja” tfisser il-massa determinata bl-ippeżar tal-ballun tal-arja bit-tagħmir kollu installat kif speċifikat fl-AFM;

20.

“ftehim tal-kiri bl-ekwipaġġ” tfisser ftehim bejn l-operaturi li permezz tiegħu l-ballun tal-ajra jiġi operat taħt ir-responsabbiltà tal-parti li tirċievi l-kera;

21.

“ġarr kummerċjali ta' passiġġieri bil-ballun tal-arja” (CPB) tfisser forma ta' operazzjonijiet ta' trasport bl-ajru kummerċjali permezz ta' ballun tal-arja fejn il-passiġġieri jinġarru għal turiżmu jew biex jesperjenzaw titjira bi ħlas jew kumpens ieħor ta' valur;

22.

“operazzjoni tat-trasport kummerċjali bl-ajru (CAT)” tfisser operazzjoni li ssir b'inġenju tal-ajru sabiex jiġu ttrasportati l-passiġġieri, il-merkanzija jew il-posta bi ħlas jew kumpens ieħor ta' valur.


ANNESS II

OPERAZZJONIJIET BIL-BLALEN TAL-ARJA

[PARTI-BOP]

SUBPARTI BAS

REKWIŻITI OPERAZZJONALI BAŻIĊI

Taqsima 1

Rekwiżiti ġenerali

BOP.BAS.001   Kamp ta' applikazzjoni

F'konformità mal-Artikolu 3, din is-Subparti tistabbilixxi r-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfati minn kwalunkwe operatur tal-blalen tal-arja, ħlief l-organizzazzjonijiet tad-disinn jew tal-produzzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1).

BOP.BAS.005   Awtorità kompetenti

L-awtorità kompetenti għandha tkun l-awtorità maħtura mill-Istat Membru li fih l-operatur għandu l-post prinċipali tan-negozju tiegħu jew, fejn l-operatur ma għandux post prinċipali tan-negozju, il-post fejn l-operatur huwa stabbilit jew huwa residenti. Dik l-awtorità għandha tkun soġġetta għar-rekwiżiti tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 965/2012 skont l-Artikolu 1(7) ta' dak ir-Regolament.

BOP.BAS.010   Turija ta' konformità

(a)

L-operatur għandu juri l-konformità mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament meta jintalab jagħmel dan mill-awtorità kompetenti li tkun qed tivverifika l-konformità kontinwa mill-operatur skont il-punt ARO.GEN.300(a)(2) tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 965/2012.

(b)

L-operatur għandu juża kwalunkwe mezz minn dawn li ġejjin biex juri din il-konformità:

(1)

mezzi aċċettabbli ta' konformità (AMC);

(2)

mezzi alternattivi ta' konformità (AltMoC).

BOP.BAS.015   Titjiriet introduttorji

It-titjiriet introduttorji għandhom jiġu:

(a)

operati skont regoli tat-titjir viżwali (VFR) binhar; kif ukoll

(b)

sorveljati fir-rigward tas-sikurezza tagħhom minn persuna li tkun ġiet maħtura mill-organizzazzjoni li twettaq it-titjiriet introduttorji.

BOP.BAS.020   Reazzjoni immedjata għal problema ta' sikurezza

L-operatur għandu jimplimenta:

(a)

il-miżuri ta' sikurezza ordnati mill-awtorità kompetenti f'konformità mal-punt (c) tal-punt ARO.GEN.135 tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 965/2012; kif ukoll

(b)

id-direttivi dwar l-ajrunavigabbiltà u informazzjoni oħra obbligatorja maħruġa mill-Aġenzija f'konformità mal-punt (j) tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008.

BOP.BAS.025   Ħatra bħala bdot fil-kmand

L-operatur għandu jaħtar bdot fil-kmand li jkun kwalifikat biex jaġixxi bħala bdot fil-kmand f'konformità mal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011.

BOP.BAS.030   Responsabbiltajiet tal-bdot fil-kmand

(a)

Il-bdot fil-kmand għandu:

(1)

ikun responsabbli għas-sikurezza tal-ballun tal-arja u ta' kwalunkwe persuna jew proprjetà li jkun hemm fih matul l-operazzjonijiet bil-ballun tal-arja;

(2)

ikun responsabbli għall-bidu, għall-kontinwazzjoni jew għat-tmiem ta' titjira fl-interess tas-sikurezza;

(3)

jiżgura li jkun hemm konformità mal-proċeduri operattivi kollha applikabbli u mal-listi tal-kontroll;

(4)

jibda titjira biss jekk ikun sodisfatt li l-limitazzjonijiet operattivi kollha huma mħarsa, kif ġej:

(i)

il-ballun tal-arja huwa ajrunavigabbli;

(ii)

il-ballun tal-arja huwa rreġistrat kif xieraq;

(iii)

l-istrumenti u t-tagħmir meħtieġa għat-twettiq tat-titjira jinġarru abbord tal-ballun tal-arja u jkunu operattivi;

(iv)

il-massa tal-ballun tal-arja tkun tali li t-titjira tista' ssir fil-limiti definiti mill-AFM;

(v)

it-tagħmir u l-bagalji kollha tgħabbew u ġew stivati kif suppost; kif ukoll

(vi)

il-limitazzjonijiet operattivi tal-ballun tal-ajra kif speċifikat fl-AFM fl-ebda ħin ma huma se jinqabżu matul it-titjira;

(5)

jiżgura li l-ispezzjoni ta' qabel it-titjira twettqet skont ir-rekwiżiti tal-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1321/2014 (1);

(6)

ikun responsabbli għall-għoti tal-informazzjoni ta' qabel it-titjira lil dawk il-persuni li jassistu fl-inflazzjoni u fid-deflazzjoni tal-istruttura tal-ballun tal-arja;

(7)

jiżgura li l-persuni li jassistu fl-inflazzjoni u fid-deflazzjoni tal-istruttura tal-ballun tal-arja jilbsu lbies protettiv xieraq;

(8)

ikun issodisfat li t-tagħmir ta' emerġenza rilevanti għadu faċilment aċċessibbli biex jintuża minnufih;

(9)

jiżgura li l-ebda persuna ma hi qed tpejjep abbord jew fil-viċinanzi tal-ballun tal-arja;

(10)

ma jħallix li tittella' fil-ballun tal-ajra persuna li tidher li tkun taħt l-influwenza ta' sustanzi psikoattivi sal-punt li aktarx din tkun ta' periklu għas-sikurezza tal-ballun tal-ajra jew ta' kull persuna jew propjetà li jkunu fih;

(11)

f'kull ħin matul it-titjira jibqa' fil-kontroll tal-ballun tal-arja ħlief meta jkun hemm bdot ieħor li jkun qed jieħu l-kontrolli;

(12)

jieћu kwalunkwe azzjoni f'każ ta' sitwazzjoni ta' emerġenza li tirrikjedi deċiżjoni u azzjoni immedjata li huwa jqis meћtieġa taћt iċ-ċirkostanzi. F'dawn il-każijiet, huwa jista' jiddevja mir-regoli u mill-proċeduri operattivi u mill-metodi stabbiliti sa fejn ikun neċessarju fl-interess tas-sikurezza;

(13)

ma jkomplix b'titjira li tmur lil hinn mill-eqreb sit tal-operat li jista' jintlaħaq fil-kundizzjonijiet tat-temp attwali, meta l-kapaċità tiegħu biex iwettaq il-kompiti tkun imnaqqsa b'mod sinifikanti minħabba mard, għeja, nuqqas ta' ossiġenu jew kwalunkwe kawża oħra;

(14)

jirreġistra d-dejta tal-utilizzazzjoni u d-difetti kollha magħrufa jew suspettati fil-ballun tal-ajra fit-tmiem tat-titjira, jew serje ta' titjiriet, fir-reġistru tekniku tal-ballun tal-ajra;

(15)

jinnotifika mingħajr dewmien lill-awtorità għall-investigazzjoni tas-sikurezza tal-Istat li fit-territorju tiegħu seħħet l-okkorrenza u s-servizzi ta' emerġenza ta' dak l-Istat permezz tal-mezzi l-aktar rapidi disponibbli dwar kull inċident serju jew aċċident li jinvolvi l-ballun tal-arja;

(16)

jissottometti mingħajr dewmien rapport ta' att ta' interferenza illegali lill-awtorità kompetenti u jinforma lill-awtorità lokali maħtura mill-Istat li fit-territorju tiegħu seħħet l-interferenza illegali; kif ukoll

(17)

jirrapporta mingħajr dewmien lill-unità xierqa tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru (ATS) dwar kwalunkwe kundizzjoni perikoluża tat-temp jew kwalunkwe kundizzjoni tat-titjira li ltaqa'magħha u li tista' taffettwa s-sikurezza tal-inġenji tal-ajru oħrajn.

(b)

Il-bdot fil-kmand ma għandux iwettaq dmirijiet fuq ballun tal-arja f'waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(1)

meta ma jkunx jista' jwettaq id-dmirijiet tiegħu għal kwalunkwe raġuni bħal korriment, mard, medikazzjoni, għeja jew minħabba l-effetti ta' xi sustanza psikoattiva, jew jekk ma jkunx jiflaħ;

(2)

jekk ma jissodisfax ir-rekwiżiti mediċi applikabbli.

(c)

Kull meta membri tal-ekwipaġġ ikunu involuti fl-operat tal-ballun tal-arja, il-bdot fil-kmand għandu:

(1)

jiżgura li matul il-fażijiet kritiċi tat-titjira jew meta jitqies neċessarju fl-interess tas-sikurezza, kull membru tal-ekwipaġġ ikun fil-post assenjat lilu u ma għandu jwettaq l-ebda attività oħra, minbarra dawk meħtieġa għall-operat sikur tal-ballun tal-arja;

(2)

ma jibdiex titjira jekk xi membru tal-ekwipaġġ ma jkunx jista' jwettaq id-dmirijiet tiegħu għal kwalunkwe raġuni, bħal korriment, mard, medikazzjoni, għeja jew minħabba l-effetti ta' xi sustanza psikoattiva, jew jekk ma jkunx jiflaħ;

(3)

ma jkomplix b'titjira li tmur lil hinn mill-eqreb sit tal-operat li jista' jintlaħaq fil-kundizzjonijiet tat-temp attwali, meta xi membru tal-ekwipaġġ ma jkunx jista' jwettaq id-dmirijiet tiegħu b'mod sinifikanti minħabba mard, għeja, nuqqas ta' ossiġenu jew kwalunkwe kawża oħra; kif ukoll

(4)

jiżgura li l-membri kollha tal-ekwipaġġ jistgħu jikkomunikaw ma' xulxin b'lingwa komuni.

BOP.BAS.035   Awtorità tal-bdot fil-kmand

Il-bdot fil-kmand għandu jkollu l-awtorità li:

(a)

jagħti l-ordnijiet kollha u jieħu kwalunkwe azzjoni xierqa sabiex jiggarantixxi s-sikurezza tal-ballun tal-arja u tal-persuni jew tal-proprjetà li jkunu qed jinġarru fih; kif ukoll

(b)

jirrifjuta l-imbarkazzjoni jew il-ġarr ta' kwalunkwe persuna jew bagalja li jistgħu jirrappreżentaw periklu potenzjali għas-sikurezza tal-ballun tal-arja jew tal-persuni jew tal-proprjetà li jkunu qed jinġarru fih;

BOP.BAS.040   Responsabbiltajiet tal-membri tal-ekwipaġġ

(a)

Kull membru tal-ekwipaġġ għandu jkun responsabbli għat-twettiq xieraq tad-dmirijiet tiegħu fir-rigward tal-operat tal-ballun tal-arja.

(b)

Il-membri tal-ekwipaġġ ma għandhomx iwettqu dmirijiet fuq il-ballun tal-arja jekk ma jkunux jistgħu għal kwalunkwe raġuni, bħal korriment, mard, medikazzjoni, għeja jew minħabba l-effetti ta' xi sustanza psikoattiva, jew jekk ma jkunux jifilħu.

(c)

Il-membri tal-ekwipaġġ għandhom jirrapportaw dawn li ġejjin lill-bdot fil-kmand:

(1)

kwanlunkwe ћsara, nuqqas, funzjonament ħażin jew difett li jemmnu li jistgħu jaffettwaw l-ajrunavigabbiltà jew l-operat sikur tal-ballun tal-arja, inklużi s-sistemi tal-emerġenza;

(2)

kwalunkwe inċident.

(d)

Kull membru tal-ekwipaġġ tat-titjira li jwettaq dmirijiet għal aktar minn operatur wieħed għandu:

(1)

jżomm ir-rekords individwali tiegħu rigward il-ħinijiet tat-titjira u l-perjodi ta' mistrieħ, jekk applikabbli; kif ukoll

(2)

jagħti lil kull operatur id-dejta meħtieġa sabiex jiskeda l-attivitajiet skont il-limiti fil-ħin tax-xogħol u tat-titjiriet u r-rekwiżiti dwar il-mistrieħ applikabbli.

BOP.BAS.045   Konformità mal-liġijiet, mar-regolamenti u mal-proċeduri

(a)

Il-bdot fil-kmand u l-membri l-oħra kollha tal-ekwipaġġ għandhom ikunu konformi mal-liġijiet, mar-regolamenti u mal-proċeduri ta' dawk l-Istati fejn isiru l-operazzjonijiet.

(b)

Il-bdot fil-kmand għandu jkun familjari mal-liġijiet, mar-regolamenti u mal-proċeduri, relatati mat-twettiq ta' dmirijietu, preskritti għaż-żoni li jridu jiġu ttraversati, is-siti tal-operat li għandhom jintużaw u l-faċilitajiet relatati ta' navigazzjoni fl-ajru.

BOP.BAS.050   Dokumenti, manwali u informazzjoni li għandhom jinġarru abbord

(a)

Id-dokumenti, il-manwali u l-informazzjoni kollha li ġejjin għandhom jinġarru abbord waqt kull titjira, bħala oriġinali jew kopji:

(1)

il-limitazzjonijiet tal-operat, il-proċeduri normali, anormali u ta' emerġenza u informazzjoni rilevanti oħra speċifika għall-karatteristiċi operattivi tal-ballun tal-arja;

(2)

id-dettalji tal-pjan tat-titjira ATS imressaq, meta jkun meħtieġ skont it-Taqsima 4 tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 923/2012 (2);

(3)

il-mapep ajrunawtiċi attwali u xierqa għaż-żona tat-titjira ppjanata.

(b)

L-informazzjoni, id-dokumenti u l-manwali kollha li ġejjin għandhom jinġarru abbord waqt kull titjira, u għandhom jiġu stivati fil-vettura ta' rkupru, bħala oriġinali jew kopji:

(1)

iċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni;

(2)

iċ-ċertifikat tal-ajrunavigabbiltà, inkluż l-annessi;

(3)

l-AFM jew dokument/i ekwivalenti;

(4)

il-liċenzja tar-radju tal-inġenju tal-ajru, meta l-ballun tal-arja jkun mgħammar b'tagħmir għall-komunikazzjoni bir-radju skont il-punt (a) tal-punt BOP.BAS.355;

(5)

iċ-ċertifikat(i) tal-assigurazzjoni tar-responsabbiltà fil-konfront ta' terzi persuni;

(6)

ir-reġistru tekniku tal-ballun tal-ajra jew dokument/i ekwivalenti;

(7)

kwalunkwe dokumentazzjoni oħra li tista' tkun rilevanti għat-titjira jew li tkun meћtieġa mill-Istat jew mill-Istati kkonċernati mit-titjira.

(c)

Meta mitluba mill-awtorità kompetenti, il-bdot fil-kmand jew l-operatur għandu jagħmel disponibbli lil dik l-awtorità d-dokumentazzjoni oriġinali fil-perjodu ta' żmien speċifikat mill-awtorità li ma għandux ikun inqas minn 24 siegħa.

BOP.BAS.055   Oġġetti perikolużi

(a)

It-trasport ta' oġġetti perikolużi abbord il-ballun tal-arja għandu jitwettaq skont ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness 18 tal-Konvenzjoni ta' Chicago, kif emendata l-aħħar u estiża bl-istruzzjonijiet tekniċi.

(b)

Il-bdot fil-kmand għandu jieħu l-miżuri raġonevoli kollha sabiex jiġi evitat il-ġarr bi żball ta' oġġetti perikolużi abbord il-ballun tal-arja.

(c)

Kwantitajiet raġonevoli ta' oġġetti u ta' sustanzi li kieku jkunu klassifikati bħala oġġetti perikolużi u li jintużaw biex tiġi ffaċilitata s-sikurezza tat-titjira, meta l-ġarr abbord il-ballun tal-arja jkun rakkomandat biex tkun żgurata d-disponibbiltà f'waqtha tagħhom għal finijiet operattivi, għandhom jitqiesu awtorizzati skont il-punt 2.2.1(a) tal-Parti 1 tal-istruzzjonijiet tekniċi, irrispettivament minn jekk dawn l-oġġetti u s-sustanzi humiex meħtieġa li jinġarru jew maħsubin biex jintużaw b'rabta ma' titjira partikolari jew le. Il-bdot fil-kmand għandu jiżgura li l-ippakkjar u t-tagħbija abbord il-ballun tal-arja ta' dawk l-oġġetti u s-sustanzi jsir b'tali mod li jitnaqqsu r-riskji għall-membri tal-ekwipaġġ, għall-passiġġieri u għall-ballun tal-arja waqt l-operat.

(d)

Il-bdot fil-kmand jew l-operatur, meta l-bdot fil-kmand ma jkunx jista', għandu jirrapporta mingħajr dewmien kwalunkwe aċċident jew inċident li jinvolvu oġġetti perikolużi lill-awtorità għall-investigazzjoni tas-sikurezza tal-Istat li fit-territorju tiegħu seħħet l-okkorrenza, lis-servizzi ta' emerġenza ta' dak l-Istat, lil kwalunkwe awtorità oħra maħtura minn dak l-Istat u lill-awtorità kompetenti.

BOP.BAS.060   Rilaxx ta' oġġetti perikolużi

(a)

Il-bdot fil-kmand ma għandux jirrilaxxa oġġetti perikolużi meta jkun qed jopera ballun tal-arja fuq żoni ta' konġestjoni ta' bliet, irħula jew insedjamenti jew fuq ġemgħa fil-miftuħ ta' persuni.

(b)

Minkejja l-punt (a), il-paraxutisti jistgħu jaqbżu mill-ballun tal-arja għall-fini ta' wirja bil-paraxut fuq dawk iż-żoni ta' konġestjoni jew fuq ġemgħa fil-miftuħ ta' persuni filwaqt li jġorru apparati li jħallu d-duħħan warajhom li ġew immanifatturati għal dak l-għan.

BOP.BAS.065   Reġistru tekniku tal-ballun tal-ajra

Għal kull titjira, jew serje ta' titjiriet, għandhom jinżammu d-dettalji tal-ballun tal-arja, tal-ekwipaġġ tiegħu u ta' kull vjaġġ fil-forma ta' reġistru tekniku tal-ballun tal-ajra jew ta' dokument ekwivalenti.

Taqsima 2

Proċeduri operattivi

BOP.BAS.100   Użu ta' siti tal-operat

Il-bdot fil-kmand gћandu juża biss siti tal-operat li jkunu xierqa gћat-tip ta' ballun tal-arja u għall-operazzjoni kkonċernata.

BOP.BAS.105   Proċeduri tat-tnaqqis tal-istorbju

Il-bdot fil-kmand għandu jqis il-proċeduri operattivi sabiex jitnaqqas l-effett tal-istorbju tas-sistema tat-tisħin, filwaqt li jiżgura li s-sikurezza tkun ta' prijorità fuq it-tnaqqis tal-istorbju.

BOP.BAS.110   Provvista u ppjanar tal-fjuwil u tas-saborra

Il-bdot fil-kmand għandu jibda b'titjira biss jekk ikun qed iġorr abbord tal-ballun tal-arja riżerva ta' fjuwil jew ta' saborra li tkun biżżejjed biex tiżgura inżul sikur.

BOP.BAS.115   Għoti ta' informazzjoni lill-passiġġieri

Il-bdot fil-kmand għandu jiżgura li qabel it-titjira, jew fejn xieraq, matulha, il-passiġġieri jingħataw informazzjoni dwar il-proċeduri normali, anormali u ta' emerġenza.

BOP.BAS.120   Ġarr ta' kategoriji speċjali ta' passiġġieri

Il-bdot fil-kmand għandu jiżgura li l-persuni li jeħtieġu kundizzjonijiet, assistenza jew apparati speċjali meta jinġarru abbord il-ballun tal-arja, jinġarru f'kundizzjonijiet li jiżguraw is-sikurezza tal-ballun tal-arja u ta' kwalunkwe persuna jew propjetà li jinġarru fih.

BOP.BAS.125   Preżentazzjoni tal-pjan tat-titjira tas-servizz tat-traffiku tal-ajru

(a)

Jekk il-pjan tat-titjira tas-servizz tat-traffiku tal-ajru (ATS) ma jiġix ippreżentat minħabba li mhux meħtieġ skont il-punt (b) tal-punt SERA.4001 tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 923/2012, il-bdot fil-kmand għandu jissottometti l-informazzjoni xierqa sabiex ikunu jistgħu jiġu attivati s-servizzi ta' twissija, f'każ li jkun hemm bżonn.

(b)

Meta ssir operazzjoni minn siti tal-operat fejn ma jkunx possibbli li jiġi ppreżentat il-pjan tat-titjira tal-ATS, għalkemm meħtieġ skont il-punt (b) tal-punt SERA.4001 tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 923/2012, il-bdot fil-kmand għandu jressaq il-pjan tat-titjira tal-ATS wara t-tluq.

BOP.BAS.130   Preparazzjoni tat-titjira

Qabel ma jibda t-titjira, il-bdot fil-kmand għandu jkun familjari mal-informazzjoni meteoroloġika u ajrunawtika disponibbli xierqa għat-titjira ppjanata li tinkludi dawn li ġejjin:

(a)

studju tar-rapporti u tat-tbassir tat-temp attwali disponibbli;

(b)

l-ippjanar ta' azzjoni alternattiva li tipprovdi għall-possibbiltà li t-titjira ma tkunx tista' tintemm kif kienet ippjanata.

BOP.BAS.135   Tipjip abbord

L-ebda persuna ma għandha tpejjep abbord ballun tal-arja matul kwalunkwe fażi tat-titjira jew fil-viċinanzi ta' ballun tal-arja.

BOP.BAS.140   Ġarr u użu ta' armi

(a)

Il-bdot fil-kmand għandu jiżgura li l-ebda persuna ma ġġorr jew tuża arma abbord il-ballun tal-arja.

(b)

Permezz ta' deroga mill-punt (a), il-bdot fil-kmand jista' jippermetti l-ġarr u l-użu ta' armi abbord il-ballun tal-arja meta jkun meħtieġ għas-sikurezza tal-membri tal-ekwipaġġ jew tal-passiġġieri. F'dawn il-każijiet il-bdot fil-kmand għandu jiżgura li l-armi jkunu f'post sikur meta ma jkunux qed jintużaw.

BOP.BAS.145   Kundizzjonijiet meteoroloġiċi

Il-bdot fil-kmand għandu jibda jew ikompli biss b'titjira VFR jekk l-aktar informazzjoni meteoroloġika riċenti disponibbli tkun turi li fil-ħin mistenni tal-użu, il-kundizzjonijiet tat-temp tul ir-rotta u fid-destinazzjoni ppjanata jkunu kif ġej:

(a)

fil-livell tal-valuri minimi operattivi applikabbli tal-VFR jew f'livell ogħla minnhom; kif ukoll

(b)

Fi ħdan il-limitazzjonijiet meteoroloġiċi speċifikati fl-AFM.

BOP.BAS.150   Kundizzjonijiet tat-tlugħ

Qabel ma jagħti bidu gћat-tlugħ tal-ballun tal-arja, il-bdot fil-kmand gћandu jkun issodisfat li, skont l-informazzjoni disponibbli, it-temp fis-sit tal-operat jippermetti t-tlugħ u t-tluq sikur.

BOP.BAS.155   Kundizzjonijiet għall-avviċinament u għall-inżul

Ħlief f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza, qabel ma jagħti bidu gћat-tlugħ tal-ballun tal-arja, il-bdot fil-kmand gћandu jkun issodisfat li, skont l-aħħar informazzjoni disponibbli, il-kundizzjonijiet fis-sit tal-operat ippjanat jippermettu avviċinament u inżul sikur.

BOP.BAS.160   Sitwazzjonijiet simulati waqt it-titjir

(a)

Il-bdot fil-kmand ma għandux jissimula sitwazzjonijiet li jeħtieġu l-applikazzjoni ta' proċeduri anormali jew ta' emerġenza meta jkun qed iġorr il-passiġġieri.

(b)

Permezz ta' deroga mill-punt (a), il-bdot fil-kmand jista' jissimula sitwazzjonijiet bħal dawn, matul operazzjonijiet għajr operazzjonijiet kummerċjali tal-ballun tal-arja, meta jitwettqu titjiriet ta' taħriġ ma' studenti bdoti jew ma' passiġġieri, diment li l-passiġġieri jkunu ġew infurmati b'mod xieraq u jkunu qablu minn qabel fir-rigward tas-simulazzjoni.

BOP.BAS.165   Ġestjoni tal-fjuwil matul it-titjira

Il-bdot fil-kmand għandu jivverifika f'intervalli regolari matul it-titjira li l-ammont ta' fjuwil u ta' saborra li jistgħu jintużaw u li fadal fit-titjira mhuwiex inqas mill-fjuwil u s-saborra meħtieġa sabiex ilesti t-titjira u r-riżerva ppjanata għall-inżul.

BOP.BAS.170   Riforniment tal-fjuwil meta jkun hemm persuni abbord

(a)

Ir-riforniment tal-fjuwil tal-blalen tal-arja ma għandux jitwettaq meta jkun hemm persuni abbord.

(b)

Permezz ta' deroga mill-punt (a), ir-riforniment tal-fjuwil tal-magni tal-iġfna tal-ajru tal-arja sħuna jista' jitwettaq meta jkun hemm il-bdot fil-kmand abbord.

BOP.BAS.175   Użu tas-sistemi ta' trażżin

Meta tkun meħtieġa sistema ta' trażżin skont il-punt BOP.BAS.320, il-bdot fil-kmand għandu jilbes is-sistema tal-anqas matul l-inżul.

BOP.BAS.180   Użu ta' ossiġnu supplimentari

Il-bdot fil-kmand għandu jiżgura li:

(a)

il-membri kollha tal-ekwipaġġ li jkunu qed iwettqu dmirijiet essenzjali gћall-operat sikur tal-ballun tal-arja jużaw l-ossiġenu supplimentari b'mod kontinwu kull meta jiddeterminaw li fl-altitudni tat-titjira ppjanata n-nuqqas ta' ossiġnu jista' jirriżulta f'indeboliment tal-fakultajiet tal-membri tal-ekwipaġġ; kif ukoll

(b)

l-ossiġenu supplimentari jkun disponibbli għall-passiġġieri meta n-nuqqas ta' ossiġenu jista' jaffettwahom ħażin.

BOP.BAS.185   Limitazzjonijiet operattivi matul il-lejl

(a)

Blalen tal-arja sħuna:

(1)

ma għandhomx jinżlu matul il-lejl, ħlief f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza; kif ukoll

(2)

it-tlugħ tagħhom jista' jsir matul il-lejl, sakemm jinġarr biżżejjed fjuwil jew saborra għall-inżul binhar.

(b)

blalen tal-gass u blalen tal-arja mħallta:

(1)

ma għandhomx jinżlu matul il-lejl, ħlief f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza jew bħala inżul ta' prekawzjoni; kif ukoll

(2)

it-tlugħ tagħhom jista' jsir matul il-lejl, sakemm jinġarr biżżejjed fjuwil jew saborra għall-inżul binhar.

(c)

L-iġfna tal-ajru tal-arja sħuna għandhom jiġu operati skont l-informazzjoni u l-limitazzjonijiet operattivi tal-VFR ta' billejl approvati tagħhom.

BOP.BAS.190   Operazzjonijiet speċjalizzati bil-ballun tal-arja — Valutazzjoni tar-riskji u lista tal-kontroll

(a)

Qabel ma jibda operazzjoni speċjalizzata bil-ballun tal-arja, il-bdot fil-kmand għandu jwettaq valutazzjoni tar-riskji, li fiha jivvaluta l-kumplessità tal-attività sabiex jiddetermina l-perikli u r-riskji assoċjati tal-operazzjoni ppjanata u jistabbilixxi miżuri ta' mitigazzjoni fejn meħtieġ.

(b)

Operazzjoni speċjalizzata bil-ballun tal-arja għandha ssir skont il-lista tal-kontroll. Il-bdot fil-kmand għandu jistabbilixxi dik il-lista tal-kontroll u jiżgura li din tkun xierqa għall-attività speċjalizzata u għall-ballun tal-arja użat, abbażi tal-valutazzjoni tar-riskji u b'kont meħud tar-rekwiżiti kollha stabbiliti f'din is-Subparti. Il-lista tal-kontroll li hija rilevanti għall-qadi tad-dmirijiet tal-bdot fil-kmand, tal-membri l-oħra tal-ekwipaġġ għandha tkun disponibbli faċilment fuq kull titjira.

(c)

Fejn meħtieġ, il-bdot fil-kmand għandu jirrieżamina u jaġġorna b'mod regolari l-lista tal-kontroll sabiex tqis b'mod adegwat il-valutazzjoni tar-riskji.

Taqsima 3

Prestazzjoni u limitazzjonijiet operattivi

BOP.BAS.200   Limitazzjonijiet operattivi

Il-bdot fil-kmand għandu jiżgura li, matul kwalunkwe fażi tal-operazzjoni, il-ballun tal-arja ma jkunx qed jaqbeż xi waħda mil-limitazzjonijiet stabbiliti fl-AFM jew f'dokument/i ekwivalenti.

BOP.BAS.205   Użin

(a)

L-użin tal-ballun tal-arja għandu jsir mill-manifattur tal-ballun tal-arja jew skont l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1321/2014.

(b)

L-operatur għandu jiżgura li l-massa tal-ballun tal-arja tkun ġiet stabbilita permezz ta' użin reali qabel ma' jintuża għall-ewwel darba. L-effetti akkumulati tal-modifiki u t-tiswijiet fuq il-massa għandhom jitqiesu u jiġu ddokumentati kif xieraq. Din l-informazzjoni għandha ssir disponibbli għall-bdot fil-kmand. Il-ballun tal-arja għandu jerġa' jintiżen jekk l-effetti tal-modifiki jew tat-tiswijiet fuq il-massa ma jkunux magħrufa.

BOP.BAS.210   Prestazzjoni — Ġenerali

Il-bdot fil-kmand għandu biss jopera l-ballun tal-arja jekk il-prestazzjoni tal-ballun tal-arja tkun xierqa sabiex tkun konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 923/2012 u ma' kwalunkwe restrizzjoni oħra applikabbli għat-titjira, l-ispazju tal-ajru jew is-siti tal-operat użati, filwaqt li jiżgura li kwalunkwe ċart jew mappa użata jkunu l-aħħar edizzjoni disponibbli.

Taqsima 4

Strumenti u tagћmir

BOP.BAS.300   Strumenti u tagћmir — Ġenerali

(a)

L-istrumenti u t-tagħmir meħtieġa minn din it-Taqsima għandhom jiġu approvati skont l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 748/2012 jekk tiġi ssodisfata waħda minn dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(1)

jintużaw għall-konformità mal-punti BOP.BAS.355 u BOP.BAS.360;

(2)

huma installati b'mod permanenti fuq il-ballun tal-arja.

(b)

Permezz ta' deroga mill-punt (a), l-istrumenti kollha jew it-tagħmir kollu li ġejjin, meta jkun meħtieġ minn din it-Taqsima, ma għandhomx jeħtieġu approvazzjoni:

(1)

l-istrumenti jew it-tagħmir jintużaw mill-ekwipaġġ tat-titjira biex jiddeterminaw il-passaġġ tat-titjira;

(2)

id-dwal portabbli indipendenti;

(3)

arloġġ preċiż;

(4)

il-kaxxa għall-ewwel għajnuna;

(5)

it-tagħmir tas-sopravivenza u tas-sinjalar;

(6)

sistema li taħżen u tqassam l-ossiġenu supplimentari;

(7)

sors alternattiv għall-ignixin;

(8)

gverta ta' kontra n-nar jew għata ta' materjal reżistenti għan-nar;

(9)

ċilindru jew pompa tal-idejn għat-tifi tan-nar;

(10)

ħabel għall-inżul;

(11)

sikkina.

(c)

L-istrumenti u t-tagħmir li mhumiex meħtieġa minn din it-Taqsima, kif ukoll kull tagħmir ieħor li mhuwiex meħtieġ minn dan l-Anness iżda li jinġarr abbord il-ballun tal-arja matul it-titjira, għandhom jikkonformaw maż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

(1)

l-informazzjoni pprovduta minn dawn l-istrumenti jew it-tagħmir ma għandhiex tintuża mill-ekwipaġġ tat-titjira sabiex jikkonforma mar-rekwiżiti essenzjali tal-ajrunavigabbiltà stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 216/2008;

(2)

l-istrumenti u t-tagħmir ma għandhomx jaffettwaw l-ajrunavigabbiltà tal-ballun tal-arja, anki f'każ li jkollhom xi ħsara jew li ma jaħdmux tajjeb.

(d)

L-istrumenti u t-tagħmir għandhom ikunu operabbli jew aċċessibbli fil-pront minn dak il-post fejn ikun assenjat il-membru tal-ekwipaġġ li jeħtieġ jużahom.

(e)

It-tagħmir tal-emerġenza kollu meħtieġ għandu jkun faċilment aċċessibbli għall-użu immedjat.

BOP.BAS.305   Tagħmir u strumenti minimi għat-titjira

It-titjira bil-ballun tal-arja ma għandhiex tinbeda jekk kwalunkwe wieħed mill-istrumenti jew mit-tagħmir meħtieġa għat-titjira ppjanata bil-ballun tal-arja jkunu neqsin, ma jkunux qed jaħdmu jew ma jissodisfawx il-funzjonijiet meħtieġa.

BOP.BAS.310   Dwal operattivi

Il-blalen tal-arja li jiġu operati billejl għandhom ikunu mgħammra b'dawn kollha li ġejjin:

(a)

dawl għal kontra l-ħabtiet;

(b)

mezz li jipprovdi dawl xieraq għall-istrumenti u għat-tagħmir kollha essenzjali għall-operat sikur tal-ballun tal-arja;

(c)

dawl portabbli indipendenti.

BOP.BAS.315   Strumenti u tagħmir tat-titjir u tan-navigazzjoni

Il-blalen tal-arja li jiġu operati binhar skont il-VFR għandhom ikunu mgħammra b'dawn li ġejjin:

(a)

mezz għall-wiri tad-direzzjoni tad-drift;

(b)

mezz għall-kejl u għall-wiri:

(1)

il-ħin f'sigħat, minuti u sekondi;

(2)

il-veloċità vertikali, jekk meħtieġ mill-AFM; kif ukoll

(3)

l-altitudni tal-pressjoni, jekk meħtieġ skont l-AFM, meta meħtieġ skont ir-rekwiżiti tal-ispazju tal-ajru jew meta l-altitudni jeħtieġ li tkun magħrufa għall-fini tal-użu tal-ossiġenu.

BOP.BAS.320   Sistemi ta' trażżin

Il-blalen tal-arja għandhom ikunu mgħammra b'sistema ta' trażżin għall-bdot fil-kmand meta l-ballun tal-arja jkun mgħammar b'waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

kompartiment separat għall-bdot fil-kmand;

(b)

vent(ijiet) ta' rotazzjoni (“turning vent(s)”).

BOP.BAS.325   Ossiġnu supplimentari

Il-blalen tal-arja li jiġu operati meta tkun meħtieġa l-provvista tal-ossiġenu f'konformità mal-punt BOP.BAS.180 għandhom ikunu mgħammra b'sistema li kapaċi taħżen u tqassam il-provvisti tal-ossiġenu meħtieġa.

BOP.BAS.330   Kaxxa għall-ewwel għajnuna

(a)

Il-blalen tal-arja għandhom ikunu mgħammra b'kaxex għall-ewwel għajnuna.

(b)

Il-kaxex għall-ewwel għajnuna għandhom ikunu:

(1)

faċilment aċċessibbli għall-użu; kif ukoll

(2)

jinżammu aġġornati.

BOP.BAS.335   Ċilindri jew pompi tal-idejn għat-tifi tan-nar

Il-blalen tal-arja, ħlief il-blalen tal-gass għandhom ikunu mgħammra tal-inqas b'ċilindru wieħed jew pompa waħda għat-tifi tan-nar:

BOP.BAS.340   Tagħmir tas-sopravivenza u tas-sinjalar – Titjiriet fuq l-ilma

Il-bdot fil-kmand ta' ballun tal-arja li jiġi operat fuq l-ilma għandu jiddetermina, qabel il-bidu tat-titjira, ir-riskji għas-sopravivenza tal-persuni ttrasportati fuq il-ballun tal-arja fil-każ ta' nżul ta' emerġenza. Fid-dawl ta' dawk ir-riskji, il-bdot fil-kmand għandu jiddetermina jekk hemmx bżonn li jinġarr tagħmir tas-sopravivenza u tas-sinjalar.

BOP.BAS.345   Tagħmir tas-sopravivenza u tas-sinjalar – Diffikultajiet fit-tfittxija u s-salvataġġ

Il-blalen tal-arja li jiġu operati fuq żoni li fihom it-tiftix u s-salvataġġ (SAR) ikunu partikolarment diffiċli, għandhom ikunu mgħammra b'tagħmir tas-sopravivenza u tas-sinjalar, skont kif ikun xieraq għaż-żona li fuqha se titwettaq it-titjira.

BOP.BAS.350   Tagħmir mixxellanju

(a)

Il-blalen tal-arja għandhom ikunu mgħammra b'ingwanti protettivi għal kull membru tal-ekwipaġġ.

(b)

Il-blalen tal-arja mħallta, il-blalen tal-arja sħuna u l-iġfna tal-ajru tal-arja sħuna għandhom ikunu mgħammra b'dawn kollha li ġejjin:

(1)

sors indipendenti u alternattiv għall-ignixin;

(2)

mezz li jkejjel u jindika l-kwantità tal-fjuwil;

(3)

gverta ta' kontra n-nar jew għata ta' materjal reżistenti għan-nar;

(4)

ħabel għall-inżul b'tul ta' mill-anqas 25 metru.

(c)

Il-blalen tal-gass għandhom ikunu mgħammra b'dawn li ġejjin:

(1)

sikkina;

(2)

ħabel għall-inżul b'tul ta' mill-anqas 20 m magħmul minn fibra naturali jew materjal konduttiv elettrostatiku.

BOP.BAS.355   Tagħmir għall-komunikazzjoni bir-radju

(a)

Il-blalen tal-arja għandu jkollhom tagħmir għall-komunikazzjoni bir-radju li jippermetti l-komunikazzjoni meħtieġa skont l-appendiċi 4 tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 923/2012 u, jekk it-titjira ssir fl-ispazju tal-ajru ta' pajjiż terz, il-liġi ta' dak il-pajjiż terz.

(b)

It-tagħmir għall-komunikazzjoni bir-radju għandu jippermetti l-komunikazzjoni fuq il-frekwenza għall-emerġenzi ajrunawtiċi 121,5 MHz.

BOP.BAS.360   Transponder

Il-blalen tal-arja għandhom ikunu mgħammra bi transponder tar-radar sekondarju ta' sorveljanza (SSR) bil-kapaċitajiet kollha meħtieġa skont il-punt (b) tal-punt SERA.6005 tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 923/2012 u, jekk it-titjira ssir fl-ispazju tal-ajru ta' pajjiż terz, il-liġi ta' dak il-pajjiż terz.

SUBPARTI ADD

REKWIŻITI ADDIZZJONALI GĦALL-OPERAZZJONIJIET KUMMERĊJALI

Taqsima 1

Rekwiżiti organizzattivi ġenerali

BOP.ADD.001   Kamp ta' applikazzjoni

F'konformità mal-Artikolu 3, din is-Subparti tistabbilixxi r-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfati, flimkien mar-rekwiżiti tas-Subparti BAS, minn kwalunkwe operatur involut f'operazzjonijiet kummerċjali bi blalen tal-arja, ħlief l-operaturi msemmija fl-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 3(2).

BOP.ADD.005   Responsabbiltajiet tal-operatur

(a)

L-operatur għandu jkun responsabbli għall-operat tal-ballun tal-arja skont ir-rekwiżiti essenzjali stipulati fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 216/2008, mar-rekwiżiti ta' din is-Subparti u mad-dikjarazzjoni tagħha.

(b)

Kull titjira għandha ssir skont id-dispożizzjonijiet tal-manwal tal-operat.

(c)

L-operatur għandu jiżgura li l-ballun tal-arja jkun mgħammar u li l-membri tal-ekwipaġġ tiegħu jkunu kkwalifikati kif meħtieġ għaż-żona u t-tip ta' operazzjoni.

(d)

L-operatur għandu jiżgura li l-membri kollha tal-ekwipaġġ assenjati għal operazzjonijiet ta' titjir jew li jkunu direttament involuti fihom, ikunu konformi mal-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(1)

ikunu mħarrġa u jingħataw struzzjonijiet kif xieraq;

(2)

ikunu konxji tar-regoli u tal-proċeduri rilevanti għad-dmirijiet partikolari tagħhom;

(3)

ikunu wrew il-kapaċitajiet tagħhom fid-dmirijiet partikolari tagħhom;

(4)

ikunu konxji tar-responsabbiltajiet tagħhom u tar-relazzjoni ta' tali dmirijiet mal-operazzjoni kollha tal-ballun tal-arja.

(e)

L-operatur għandu jistabbilixxi proċeduri u struzzjonijiet għall-operat sikur ta' kull tip ta' ballun tal-arja, li jkun fihom id-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tal-membri tal-ekwipaġġ, għal kull tip ta' operazzjoni. Dawk il-proċeduri u l-istruzzjonijiet ma għandhomx jeħtieġu li l-membri tal-ekwipaġġ iwettqu xi attività matul il-fażijiet kritiċi tat-titjira għajr dawk meħtieġa għall-operat sikur tal-ballun tal-arja.

(f)

L-operatur għandu jagħmel arranġamenti għas-superviżjoni tal-membri tal-ekwipaġġ u tal-persunal involuti fl-operazzjoni tal-ballun tal-arja minn individwi li għandhom l-esperjenza u l-ħiliet xierqa sabiex ikun żgurat li jintlaħqu l-istandards speċifikati fil-manwal tal-operat.

(g)

L-operatur għandu jiżgura li l-membri kollha tal-ekwipaġġ u l-persunal kollu involuti fl-operazzjoni tal-ballun tal-arja jiġu mgħarrfa li għandhom ikunu konformi mal-liġijiet, mar-regolamenti u mal-proċeduri tal-Istati li fihom jitwettqu l-operazzjonijiet li huma rilevanti għat-twettiq tad-dmirijiet tagħhom.

(h)

L-operatur għandu jispeċifika l-proċeduri ta' ppjanar tat-titjira sabiex jiżgura li t-titjira titwettaq b'mod sikur abbażi tal-kunsiderazzjonijiet tal-prestazzjoni tal-ballun tal-arja, tal-limitazzjonijiet operattivi oħrajn u tal-kundizzjonijiet rilevanti li mistennija jkun hemm tul ir-rotta li għandha tiġi segwita u fis-siti tal-operat ikkonċernati. Dawn il-proċeduri għandhom jiġu inklużi fil-manwal tal-operat.

BOP.ADD.010   Notifika tal-mezzi alternattivi ta' konformità

L-operatur għandu, meta jagħmel id-dikjarazzjoni skont il-punt BOP.ADD.100, jinnotifika lill-awtorità kompetenti l-lista tal-mezzi alternattivi ta' konformità (AltMOC), fejn beħsiebu juża l-AltMoC biex juri l-konformità meta mitlub skont il-punt BOP.BAS.010. Dik il-lista għandu jkun fiha referenzi għall-mezzi aċċettabbli ta' konformità (AMC) li huma jissostitwixxu fil-każ li AMC assoċjati jkunu ġew adottati mill-Aġenzija.

BOP.ADD.015   Aċċess

(a)

Sabiex tiġi stabbilita l-konformità mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament, l-operatur għandu jagħti l-aċċess lil kwalunkwe persuna awtorizzata mill-awtorità kompetenti, fi kwalunkwe ħin, għal kwalunkwe faċilità, ballun tal-arja, dokument, rekords, dejta, proċeduri jew kwalunkwe materjal ieħor li huwa rilevanti għall-attività tal-operatur li taqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, irrispettivament minn jekk l-attività tkunx ikkuntrattata jew le.

(b)

L-aċċess għall-ballun tal-arja għandu, f'każ ta' ġarr kummerċjali ta' passiġġieri bil-ballun tal-arja, jinkludi l-possibbiltà li wieħed jidħol u jibqa' fuq il-ballun tal-arja matul l-operazzjonijiet ta' titjir, sakemm dan ma jipperikolax it-titjira.

BOP.ADD.020   Sejbiet

Wara l-wasla tan-notifika tas-sejbiet imressqa mill-awtorità kompetenti skont il-punti ARO.GEN.350, ARO.GEN.355 u ARO.GEN.360 tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 965/2012, l-operatur għandu jagħmel dan kollu li ġej:

(a)

jidentifika l-kawża ewlenija tan-nuqqas ta' konformità;

(b)

ifassal pjan ta' azzjoni korrettiva;

(c)

juri l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni korrettiva b'mod li jissodisfa lill-awtorità kompetenti fi ħdan il-perjodu ta' żmien speċifikat minn dik l-awtorità skont il-punt ARO.GEN.350 tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 965/2012.

BOP.ADD.025   Rappurtar tal-okkorrenzi

(a)

L-operatur għandu jimplimenta, bħala parti mis-sistema ta' ġestjoni tiegħu, skema ta' rappurtar tal-okkorrenzi li għandha tipprevedi rappurtar obbligatorju u volontarju skont ir-Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(b)

Mingħajr ħsara għall-punt (a), l-operatur għandu jirrapporta lill-awtorità kompetenti u lill-organizzazzjoni responsabbli għad-disinn tal-ballun tal-arja kwalunkwe ħsara, difett tekniku, qbiż tal-limiti tekniċi jew okkorrenza li tista' tenfasizza nuqqas ta' preċiżjoni u ta' kompletezza kif ukoll ambigwità ta' informazzjoni inkluża fid-dejta stabbilita skont l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 748/2012 u kwalunkwe okkorrenza oħra li tikkostitwixxi inċident iżda mhux aċċident jew inċident serju.

(c)

L-operatur għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura l-konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) min-naħa tal-bdot fil-kmand, ta' kull membru tal-ekwipaġġ u tal-persunal kollu tiegħu fir-rigward ta' kull inċident serju jew aċċident assoċjati mal-operat ta' ballun tal-arja.

BOP.ADD.030   Sistemi ta' ġestjoni

(a)

L-operatur għandu jistabbilixxi, jimplimenta u jżomm sistema ta' ġestjoni li tkun tinkludi dawn kollha li ġejjin:

(1)

linji ta' responsabbiltà u ta' akkontabilità li jkunu ddefiniti b'mod ċar fl-organizzazzjoni kollha tal-operatur, inkluża l-akkontabilità diretta għas-sikurezza tal-maniġer responsabbli;

(2)

deskrizzjoni tal-filosofiji u tal-prinċipji ġenerali tal-operatur marbutin mas-sikurezza, li għandhom ikunu magħrufa bħala l-politika tas-sikurezza;

(3)

l-identifikazzjoni ta' perikli għas-sikurezza fil-qasam tal-avjazzjoni li jkunu ġejjin mill-attivitajiet tal-operatur, l-evalwazzjoni ta' dawk il-perikli u l-ġestjoni tar-riskji assoċjati, inkluż it-teħid ta' azzjonijiet biex itaffu dawk ir-riskji fejn meħtieġ u biex tiġi vverifikata l-effikaċja ta' dawk l-azzjonijiet;

(4)

iż-żamma ta' persunal imħarreġ u kompetenti biex jaqdi l-kompiti tiegħu;

(5)

id-dokumenti tal-proċessi ewlenin kollha tas-sistema ta' ġestjoni, inkluż proċess biex l-impjegati jkunu jafu r-responsabbiltajiet tagħhom, u l-proċedura biex jiġu emendati dawk id-dokumenti;

(6)

funzjoni biex tiġi mmonitorjata l-konformità tal-operatur mar-rekwiżiti ta' dan l-Anness. Dan il-monitoraġġ tal-konformità għandu jinkludi sistema ta' rispons għas-sejbiet lill-maniġer responsabbli tal-operatur biex tkun żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-azzjonijiet korrettivi hekk kif ikun meħtieġ;

(7)

il-proċessi meħtieġa biex tkun żgurata l-konformità mar-rekwiżiti tal-Artikoli 4, 5, 6 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 376/2014.

(b)

Is-sistema ta' ġestjoni għandha tikkorrispondi għad-daqs tal-operatur u għan-natura u l-kumplessità tal-attivitajiet tiegħu, filwaqt li tqis il-perikli u r-riskji assoċjati ta' dawk l-attivitajiet.

BOP.ADD.035   Attivitajiet ikkuntrattati

Meta jikkuntratta kwalunkwe parti mill-attività tiegħu li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, l-operatur għandu jkun responsabbli u jiżgura li l-organizzazzjoni kkuntrattata twettaq l-attività skont ir-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament. L-operatur għandu jiżgura wkoll li l-awtorità kompetenti tingħata aċċess għall-organizzazzjoni li tkun ingħatat il-kuntratt, biex tistabbilixxi l-konformità tal-operatur ma' dawk ir-rekwiżiti.

BOP.ADD.040   Rekwiżiti tal-persunal

(a)

L-operatur għandu jaħtar maniġer responsabbli li jkollu l-awtorità biex jiżgura li l-attivitajiet kollha li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament ikunu jistgħu jiġu ffinanzjati u mwettqa f'konformità mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament. Il-maniġer responsabbli għandu jkun responsabbli għall-istabbiliment u għaż-żamma ta' sistema ta' ġestjoni effettiva.

(b)

L-operatur għandu:

(1)

jidentifika r-responsabbiltajiet tal-persunal tiegħu għall-kompiti u l-attivitajiet kollha li għandhom jitwettqu;

(2)

ikollu biżżejjed persunal ikkwalifikat biex iwettaq dawk il-kompiti u l-attivitajiet; kif ukoll

(3)

iżomm ir-rekords xierqa tal-esperjenza, tal-kwalifiki u tat-taħriġ tal-persunal tiegħu.

(c)

L-operatur għandu jaħtar persuna jew aktar li jkunu responsabbli għall-ġestjoni u s-superviżjoni tal-oqsma kollha li ġejjin:

(1)

l-operazzjonijiet tat-titjir;

(2)

l-operazzjonijiet ta' fuq l-art;

(3)

l-ajrunavigabbiltà kontinwa, skont ir-Regolament (UE) Nru 1321/2014.

BOP.ADD.045   Rekwiżiti tal-faċilità

L-operatur għandu jkollu faċilitajiet li jkunu biżżejjed biex jippermettu t-twettiq u l-ġestjoni tal-kompiti u l-attivitajiet kollha meħtieġa biex tkun żgurata l-konformità mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament.

Taqsima 2

Dikjarazzjoni, ajrunavigabbiltà kif ukoll kiri bl-ekwipaġġ u kiri mingħajr ekwipaġġ

BOP.ADD.100   Dikjarazzjoni

(a)

Fid-dikjarazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) l-operatur għandu jikkonferma li huwa jikkonforma u se jkompli jikkonforma mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament.

(b)

L-operatur għandu jinkludi fid-dikjarazzjoni l-informazzjoni kollha li ġejja:

(1)

l-isem tal-operatur,

(2)

il-post fejn l-operatur għandu l-post prinċipali tan-negozju tiegħu;

(3)

l-isem u d-dettalji ta' kuntatt tal-maniġer responsabbli tal-operatur;

(4)

id-data tal-bidu tal-operazzjoni kummerċjali u, fejn rilevanti, id-data li fiha tkun saret bidla fl-operazzjoni kummerċjali attwali;

(5)

fir-rigward tal-blalen tal-arja kollha użati għall-operazzjoni kummerċjali, it-tip ta' ballun tal-arja, ir-reġistrazzjoni, il-bażi ewlenija, it-tip ta' operazzjoni u l-organizzazzjoni tal-ġestjoni tal-ajrunavigabbiltà kontinwa.

(c)

Fejn applikabbli, l-operatur għandu jehmeż mad-dikjarazzjoni l-lista ta' mezzi alternattivi ta' konformità (AltMOC), skont il-punt BOP.ADD.010.

(d)

Meta jagħmel id-dikjarazzjoni, l-operatur għandu juża l-formola li tinsab fl-Appendiċi ta' dan l-Anness.

BOP.ADD.105   Bdil fid-dikjarazzjoni u l-waqfien tal-operazzjonijiet kummerċjali

(a)

L-operatur għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti mingħajr dewmien dwar kwalunkwe bidla fiċ-ċirkostanzi li taffettwa l-konformità tiegħu mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament, kif iddikjarat lill-awtorità kompetenti, u dwar kwalunkwe bidla fir-rigward tal-informazzjoni msemmija fil-punt BOP.ADD.100(b) u tal-lista ta' AltMOC imsemmija fil-punt BOP.ADD.100(c), inklużi fid-dikjarazzjoni jew mehmużin magħha.

(b)

L-operatur għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti mingħajr dewmien meta ma jibqax aktar involut fl-operazzjonijiet kummerċjali bil-blalen tal-arja.

BOP.ADD.110   Rekwiżiti tal-ajrunavigabbiltà

Il-blalen tal-arja għandu jkollhom ċertifikat tal-ajrunavigabbiltà maħruġ skont ir-Regolament (UE) Nru 748/2012 jew, fil-każ ta' ballun tal-arja rreġistrat f'pajjiż terz, għandu jkun soġġett għal ftehim ta' kiri b'ekwipaġġ jew għal ftehim ta' kiri mingħajr ekwipaġġ skont il-punt BOP.ADD.115.

BOP.ADD.115   Ftehim ta' kiri b'ekwipaġġ u ftehim ta' kiri mingħajr ekwipaġġ ta' ballun tal-arja rreġistrat f'pajjiż terz

(a)

L-operatur għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti dwar kwalunkwe ftehim ta' kiri b'ekwipaġġ jew ftehim ta' kiri mingħajr ekwipaġġ li jikkonċernaw ballun tal-arja rreġistrat f'pajjiż terz

(b)

Meta ballun tal-arja rreġistrat f'pajjiż terz ikun soġġett għal ftehim ta' kiri b'ekwipaġġ, l-operatur għandu jiżgura li l-livell ta' sikurezza li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-istandards tas-sikurezza fir-rigward tal-ajrunavigabbiltà kontinwa u l-operazzjonijiet tal-ajru li għalihom huwa soġġett l-operatur tal-ballun tal-arja, ikun tal-inqas ekwivalenti għal dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tar-rekwiżiti tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1321/2014 u ta' dan ir-Regolament.

(c)

Meta ballun tal-arja rreġistrat f'pajjiż terz ikun soġġett għal ftehim ta' kiri mingħajr ekwipaġġ, l-operatur għandu jiżgura l-konformità mar-rekwiżiti essenzjali relatati mal-ajrunavigabbiltà kontinwa stabbiliti fl-Annessi I u IV tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament.

Taqsima 3

Manwali u reġistri

BOP.ADD.200   Manwal tal-operat

(a)

L-operatur għandu jistabbilixxi manwal tal-operat

(b)

Il-kontenut tal-manwal tal-operat għandu jirrifletti r-rekwiżiti stabbiliti f'dan l-Anness u ma għandux imur kontra kwalunkwe informazzjoni li tinsab fid-dikjarazzjoni tal-operatur.

(c)

Il-manwal tal-operat jista' jiġi stabbilit f'partijiet separati.

(d)

Il-persunal kollu tal-operatur għandu jkollu aċċess faċli għall-partijiet tal-manwal tal-operat li huma rilevanti għad-dmirijiet tiegħu.

(e)

Il-manwal tal-operat għandu jinżamm aġġornat. Il-persunal kollu tal-operatur għandu jkun mgħarraf dwar kwalunkwe emenda fil-manwal tal-operat li hija rilevanti għat-twettiq tad-dmirijiet tiegħu.

(f)

L-operatur għandu jiżgura li kwalunkwe informazzjoni użata bħala l-bażi għall-kontenut tal-manwal tal-operat u kwalunkwe emenda tiegħu tiġi riflessa b'mod korrett fil-manwal tal-operat.

(g)

L-operatur gћandu jiżgura li l-persunal kollu jkun kapaċi jifhem il-lingwa li fiha jkunu miktuba dawk il-partijiet tal-manwal tal-operat li jkunu rilevanti għad-dmirijiet tiegħu. Il-kontenut tal-manwal tal-operat għandu jkun ippreżentat f'forma li tista' tintuża mingħajr diffikultajiet.

BOP.ADD.205   Żamma ta' rekords

(a)

L-operatur għandu jistabbilixxi sistema ta' żamma tar-rekords li tippermetti ħażna xierqa u traċċabbiltà affidabbli tal-attivitajiet tiegħu.

(b)

Il-format tar-rekords għandu jiġi speċifikat fil-proċeduri tal-operatur jew fil-manwali.

Taqsima 4

Ekwipaġġ tat-titjira

BOP.ADD.300   Kompożizzjoni tal-ekwipaġġ tat-titjira

(a)

Il-kompożizzjoni tal-ekwipaġġ tat-titjira għandha tkun, bħala minimu, kif speċifikata fl-AFM jew fil-limitazzjonijiet operattivi preskritti għall-ballun tal-arja.

(b)

L-ekwipaġġ tat-titjira għandu jinkludi membri addizzjonali tal-ekwipaġġ tat-titjira meta t-tip ta' operazzjoni tkun teħtieġ dan. L-għadd tal-ekwipaġġ tat-titjira ma għandux ikun inqas mill-għadd speċifikat fil-manwal tal-operat.

(c)

Il-membri kollha tal-ekwipaġġ tat-titjira għandu jkollhom liċenzja u klassifikazzjonijiet maħruġin jew aċċettati skont l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011 u li jkunu xierqa għad-dmirijiet assenjati lilhom.

(d)

Matul it-titjira membru tal-ekwipaġġ tat-titjira jista' jiġi sostitwit fid-dmirijiet tiegħu mal-kontrolli minn membru tal-ekwipaġġ tat-titjira ieħor li jkollu l-kwalifiki xierqa.

(e)

Meta juża s-servizzi ta' membri tal-ekwipaġġ tat-titjira li jkunu jaħdmu bħala ħaddiema indipendenti jew ħaddiema part-time, l-operatur għandu jivverifika li jkun hemm konformità ma' dawn ir-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(1)

ir-rekwiżiti ta' din is-Subparti;

(2)

L-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011, inklużi r-rekwiżiti dwar l-esperjenza riċenti;

(3)

it-titjira u l-limiti fil-ħin tax-xogħol kif ukoll ir-rekwiżiti dwar il-mistrieħ f'konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li fih l-operatur ikollu l-post prinċipali tan-negozju tiegħu, filwaqt li jitqiesu s-servizzi kollha mogħtija mill-membru tal-ekwipaġġ tat-titjira lil operaturi oħra.

BOP.ADD.305   Ħatra bħala bdot fil-kmand

(a)

L-operatur għandu jaħtar bdot wieħed minn fost l-ekwipaġġ tat-titjira bħala l-bdot fil-kmand.

(b)

L-operatur għandu jaħtar biss bdot biex jaġixxi bħala bdot fil-kmand jekk dan:

(1)

ikun kwalifikat biex jaġixxi bħala bdot fil-kmand f'konformità mal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011;

(2)

ikollu l-livell minimu ta' esperjenza speċifikat fil-manwal tal-operat; kif ukoll

(3)

Ikollu għarfien xieraq taż-żona li fuqha tkun se ssir it-titjira.

BOP.ADD.310   Għoti ta' taħriġ u kontrolli

It-taħriġ u l-kontrolli kollha tal-membri tal-ekwipaġġ tat-titjira meħtieġa skont il-punt BOP.ADD.315 għandhom jiġu pprovduti kif ġej:

(a)

skont il-programmi u s-sillabi tat-taħriġ stabbiliti mill-operatur fil-manwal tal-operat;

(b)

minn persuni kkwalifikati kif xieraq u, fir-rigward tat-taħriġ u l-kontrolli mwettqa waqt it-titjira, minn persuna kkwalifikata skont l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011.

BOP.ADD.315   Taħriġ rikorrenti u kontrolli regolari

(a)

Kull membru tal-ekwipaġġ tat-titjira għandu jtemm taħriġ rikorrenti kull sentejn dwar il-proċeduri ta' fuq l-art u dwar it-titjira li jkun rilevanti għall-klassi tal-ballun tal-arja li jaħdem fuqu, inkluż taħriġ dwar fejn jinsab it-tagħmir kollu tal-emerġenza u tas-sikurezza li jkun qiegħed jinġarr abbord u dwar kif jintuża dan it-tagħmir.

(b)

Kull membru tal-ekwipaġġ tat-titjira għandu jkun għadda mill-kontrolli tal-profiċjenza tal-operatur biex juri l-kompetenza tiegħu fit-twettiq ta' proċeduri normali, anormali u ta' emerġenza, li jkopru l-aspetti rilevanti assoċjati mal-kompiti speċjalizzati deskritti fil-manwal tal-operat. Fit-twettiq ta' dawk il-kontrolli, għandhom jitqiesu l-membri tal-ekwipaġġ li jwettqu operazzjonijiet skont il-VFR billejl.

(c)

Il-validità tal-kontroll tal-profiċjenza tal-operatur għandha tkun għal 24 xahar kalendarju, li jibdew jgħoddu minn tmiem ix-xahar li matulu jkun sar il-kontroll jew, fil-każ li l-kontroll ikun sar fl-aħħar 3 xhur tal-perjodu ta' validità tal-kontroll preċedenti, mill-aħħar ġurnata tal-perjodu ta' validità ta' dak il-kontroll preċedenti.

Taqsima 5

Rekwiżiti operattivi ġenerali

BOP.ADD.400   Responsabbiltajiet tal-bdot fil-kmand

Il-bdot fil-kmand għandu jikkonforma ma' dawn li ġejjin:

(a)

ir-rekwiżiti rilevanti tal-iskema ta' rapportar tal-okkorrenzi tal-operatur imsemmija fil-punt BOP.ADD.025;

(b)

it-titjira u l-limiti fil-ħin tax-xogħol kif ukoll ir-rekwiżiti dwar il-mistrieħ applikabbli għall-attivitajiet tiegħu f'konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li fih l-operatur ikollu l-post prinċipali tan-negozju tiegħu.

BOP.ADD.405   Awtorità tal-bdot fil-kmand

Minkejja l-punt BOP.BAS.035, l-operatur għandu jieħu l-miżuri raġonevoli kollha biex jiżgura li l-persuni kollha li jinġarru fil-ballun tal-arja jobdu l-ordnijiet legali kollha mogħtija mill-bdot fil-kmand sabiex tkun żgurata s-sikurezza tal-ballun tal-arja, ta' kwalunkwe persuna jew proprjetà li jinġarru fih jew ta' kwalunkwe persuna jew proprjetà fuq l-art.

BOP.ADD.410   Membru tal-ekwipaġġ addizzjonali tal-ballun tal-arja

Meta ballun tal-arja jġorr iktar minn 19-il passiġġier, tal-inqas membru tal-ekwipaġġ addizzjonali għandu jkun preżenti abbord tal-ballun tal-arja flimkien mal-ekwipaġġ tat-titjira kif meħtieġ skont il-punti (a) u (b) tal-punt BOP.ADD.300 biex jassisti lill-passiġġieri fil-każ ta' emerġenza. Dak il-membru tal-ekwipaġġ addizzjonali għandu jkollu esperjenza u taħriġ xierqa.

BOP.ADD.415   Idoneità relatata mal-għadis fl-ilma fond u l-għoti tad-demm

Il-membri tal-ekwipaġġ ma għandhomx iwettqu l-ebda dmir fuq il-ballun tal-arja jekk l-idoneità tagħhom ma tibqax tajba wara għadis fl-ilma fond jew wara li jkunu taw id-demm

BOP.ADD.420   Lingwa komuni

L-operatur għandu jiżgura li l-membri kollha tal-ekwipaġġ ikunu jistgħu jikkomunikaw ma' xulxin b'lingwa komuni.

BOP.ADD.425   Sustanzi psikoattivi

L-operatur għandu jieħu l-miżuri raġonevoli kollha sabiex jiżgura li l-ebda persuna ma tidħol jew tkun fuq il-ballun tal-arja jekk tkun taħt l-influwenza ta' sustanzi psikoattivi sal-punt li din il-persuna tkun x'aktarx ta' periklu għas-sikurezza tal-ballun tal-ajra, ta' kwalunkwe persuna jew propjetà li jkunu fih jew ta' kwalunkwe persuna jew propjetà fuq l-art.

BOP.ADD.430   Periklu

L-operatur għandu jieħu l-miżuri raġonevoli kollha biex jiżgura li l-ebda persuna ma taġixxi b'mod intenzjonat, bi traskuraġni jew negliġenza, jew tonqos milli taġixxi u tispiċċa biex:

(a)

tipperikola ballun tal-arja jew persuna fih jew fuq l-art;

(b)

tikkawża jew tippermetti li l-ballun tal-arja jipperikola kwalunkwe persuna jew proprjetà.

BOP.ADD.435   Dokumenti, manwali u informazzjoni li għandhom jinġarru

(a)

Id-dokumenti, il-manwali u l-informazzjoni kollha li ġejjin għandhom jinġarru abbord waqt kull titjira, bħala oriġinali jew kopji:

(1)

id-dikjarazzjoni magħmula mill-operatur;

(2)

l-informazzjoni dwar is-servizzi ta' tiftix u ta' salvataġġ għaż-żona tat-titjira ppjanata;

(3)

il-pjan operattiv tat-titjira.

(b)

Id-dokumenti, il-manwali u l-informazzjoni kollha li ġejjin għandhom jinżammu f'post sikur, mhux abbord il-ballun tal-arja matul titjira, bħala oriġinali:

(1)

id-dokumenti, il-manwali u l-informazzjoni msemmija fil-punt (a), meta kopji tagħhom jinġarru abbord il-ballun tal-arja matul titjira;

(2)

il-partijiet attwali tal-manwal tal-operat jew tal-proċeduri operattivi standard (SOPs) li huma rilevanti għad-dmirijiet tal-membri tal-ekwipaġġ, li għandhom ikunu faċilment aċċessibbli għall-membri tal-ekwipaġġ;

(3)

il-listi tal-passiġġieri, meta jinġarru passiġġieri;

(4)

id-dokumentazzjoni dwar il-massa msemmija fil-punt (c) tal-punt BOP.ADD.600.

(c)

Meta mitluba mill-awtorità kompetenti, il-bdot fil-kmand jew l-operatur għandhom jagħmlu disponibbli lil dik l-awtorità d-dokumenti, il-manwali u l-informazzjoni oriġinali fil-perjodu ta' żmien speċifikat mill-awtorità li ma għandux ikun inqas minn 24 siegħa.

BOP.ADD.440   Oġġetti perikolużi

L-operatur għandu:

(a)

jistabbilixxi l-proċeduri li bihom jiżgura li jittieħdu l-miżuri raġonevoli kollha sabiex jiġi evitat il-ġarr bi żball ta' oġġetti perikolużi abbord il-ballun tal-arja; kif ukoll

(b)

jipprovdi lill-membri tal-ekwipaġġ bl-informazzjoni meħtieġa biex ikunu jistgħu jwettqu dmirijiethom b'mod adegwat fir-rigward ta' kwalunkwe oġġett perikoluż li jinġarr jew li huwa maħsub li jinġarr abbord il-ballun tal-arja.

Taqsima 6

Proċeduri operattivi

BOP.ADD.500   Kalkolu tal-fjuwil u tas-saborra

L-operatur għandu jiżgura li l-kalkoli fir-rigward tar-riżerva tal-fjuwil jew tas-saborra jkunu ddokumentati fi pjan operattiv tat-titjira.

BOP.ADD.505   Ġarr ta' kategoriji speċjali ta' passiġġieri

L-operatur għandu jistabbilixxi l-proċeduri għall-ġarr tal-persuni li jeħtieġu kundizzjonijiet, assistenza jew apparati speċjali meta jinġarru abbord ballun tal-arja skont kundizzjonijiet li jiżguraw is-sikurezza tal-ballun tal-arja u ta' kwalunkwe persuna jew propjetà li jinġarru fih.

BOP.ADD.510   Operazzjonijiet kummerċjali speċjalizzati bil-ballun tal-arja — Proċeduri operattivi standard

Minkejja l-punt BOP.BAS.190:

(a)

Qabel ma jibda operazzjoni kummerċjali speċjalizzata bil-ballun tal-arja, l-operatur għandu jwettaq valutazzjoni tar-riskji, li fiha jivvaluta l-kumplessità tal-operazzjoni ppjanata sabiex jiddetermina l-perikli u r-riskji assoċjati tal-operazzjoni u jistabbilixxi miżuri ta' mitigazzjoni fejn meħtieġ.

(b)

Abbażi tal-valutazzjoni tar-riskji, l-operatur għandu, qabel ma jibda operazzjoni kummerċjali speċjalizzata bil-ballun tal-arja, jistabbilixxi l-proċeduri operattivi standard (SOPs) xierqa għall-operazzjoni ppjanata u l-ballun tal-arja użat. L-SOPs għandhom ikunu parti mill-manwal tal-operat jew jiġu stabbiliti f'dokument separat. Fejn meħtieġ l-operatur għandu jirrieżamina u jaġġorna b'mod regolari l-SOPs sabiex iqisu b'mod adegwat il-valutazzjoni tar-riskji.

(c)

L-operatur għandu jiżgura li l-operazzjonijiet kummerċjali speċjalizzati bil-ballun tal-arja jsiru skont l-SOPs.

Taqsima 7

Prestazzjoni u limitazzjonijiet operattivi

BOP.ADD.600   Sistema biex tiġi ddeterminata l-massa

(a)

L-operatur għandu jistabbilixxi sistema li tispeċifika kif l-elementi li ġejjin jiġu determinati b'mod preċiż għal kull titjira, sabiex il-bdot fil-kmand ikun jista' jivverifika l-konformità mal-limitazzjonijiet tal-AFM:

(1)

il-massa tal-ballun mingħajr arja;

(2)

il-massa tat-tagħbija skont il-piż;

(3)

il-massa tat-tagħbija ta' fjuwil jew saborra;

(4)

il-massa waqt it-tlugħ;

(5)

it-tagħbija tal-ballun tal-arja ssir taħt is-superviżjoni tal-bdot fil-kmand jew persunal ikkwalifikat;

(6)

it-tħejjija u d-dispożizzjoni tad-dokumentazzjoni kollha.

(b)

Il-kalkolu tal-massa bbażat fuq kalkoli elettroniċi għandu jkun replikabbli mill-bdot fil-kmand.

(c)

Id-dokumentazzjoni dwar il-massa, li tispeċifika l-elementi elenkati fil-punt (a), għandha titħejja qabel kull titjira u tiġi ddokumentata fi pjan operattiv tat-titjira.


(1)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1321/2014 tas-26 ta' Novembru 2014 dwar il-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà ta' inġenji tal-ajru u prodotti, partijiet u tagħmir ajrunawtiċi, u dwar l-approvazzjoni ta' organizzazzjonijiet u persunal involut f'dan ix-xogħol (ĠU L 362, 17.12.2014, p. 1).

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 923/2012 tas-26 ta' Settembru 2012 li jistabbilixxi regoli komuni tal-ajru u dispożizzjonijiet operattivi dwar is-servizzi u l-proċeduri fin-navigazzjoni bl-ajru u li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1035/2011 u r-Regolamenti (KE) Nru 1265/2007, (KE) Nru 1794/2006, (KE) Nru 730/2006, (KE) Nru 1033/2006 u (UE) Nru 255/2010 (ĠU L 281, 13.10.2012, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar ir-rappurtar, l-analiżi u s-segwitu ta' okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1321/2007 u (KE) Nru 1330/2007 (ĠU L 122, 24.4.2014, p. 18).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar l-investigazzjoni u l-prevenzjoni ta' aċċidenti u inċidenti fis-settur tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar id-Direttiva 94/56/KE (ĠU L 295, 12.11.2010, p. 35).


Appendiċi

Image Test ta 'immaġni Image Test ta 'immaġni

14.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 71/36


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/396

tat-13 ta' Marzu 2018

li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 9(1)(e) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa nomenklatura tal-merkanzija (minn hawn 'il quddiem imsejħa n-“Nomenklatura Magħquda” jew in-“NM”), li hija stabbilita fl-Anness I tiegħu.

(2)

In-nota addizzjonali 10 tal-Kapitolu 22 tat-Tieni Parti tan-NM tistipula li, għall-għanijiet tas-subtitli 2206 00 31 u 2206 00 39, ix-xarbiet iffermentati, minbarra dawk fi fliexken b'tappijiet forma ta' faqqiegħ miżmumin f'posthom b'rabtiet u bi qfil, bi pressjoni żejda ta' mhux inqas minn 1,5 bar, imkejla f'temperatura ta' 20 °Ċ, huma meqjusin bħala “effervexxenti (sparkling)”.

(3)

In-nota 1 tas-subtitlu tal-Kapitolu 22 tat-Tieni Parti tan-NM tistipula li, “għall-għanijiet tas-subtitlu 2204 10, l-espressjoni “inbid ifexfex” tfisser inbid li, meta miżmum f'temperatura ta' 20 °Ċ f'kontenituri magħluqin, għandu pressjoni żejda ta' mhux inqas minn 3 bar”.

(4)

Fid-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE (2) hemm miktub li “xorb ieħor iffermentat bil-gass” li jidħol mhux biss fl-intestaturi 2204 u 2205, iżda wkoll fil-Kodiċi tan-NM 2206 00 91, li kien japplika meta d-Direttiva ġiet adottata (issa l-Kodiċijiet tan-NM 2206 00 31 u 2206 00 39), “għandhom pressa żejda ta' 3 bar jew iżjed”.

(5)

Ma jistax jiġi ġġustifikat, la mil-lat xjentifiku u lanqas minn ebda lat ieħor, li jkun hemm livelli limitu differenti f'dak li għandu x'jaqsam mal-pressjoni żejda għax-xarbiet iffermentati effervexxenti, tkun xi tkun il-klassifika tagħhom fil-kodiċijiet tan-NM 2204, 2205 jew 2206.

(6)

Għall-finijiet taċ-ċertezza tad-dritt, jeħtieġ li n-nota addizzjonali 10 tal-Kapitolu 22 tat-Tieni Parti tan-NM tiġi emendata billi l-livell limitu eżistenti ta' “mhux inqas minn 1,5 bar” jinbidel bil-frażi “3 bar jew iżjed”.

(7)

Biex tkun żgurata l-konsistenza u interpretazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda fl-Unjoni kollha rigward id-definizzjoni tax-xarbiet “effervexxenti”, jeħtieġ li tiġi emendata n-nota addizzjonali 10 tal-Kapitolu 22 tat-Tieni Parti tan-NM.

(8)

Għalhekk, ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(9)

Il-Kumitat tal-Kodiċi Doganali ma ħariġx opinjoni fil-limitu taż-żmien stabbilit mill-President,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fil-Kapitolu 22 tat-Tieni Parti tan-Nomenklatura Magħquda stabbilita fl-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, it-tieni inċiż tan-nota addizzjonali 10 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“—

xarbiet iffermentati ppreżentati mod ieħor, bi pressjoni żejda ta' 3 bar jew iżjed, imkejla f'temperatura ta' 20 °Ċ.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Marzu 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (ĠU L 316, 31.10.1992, p. 21).


DEĊIŻJONIJIET

14.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 71/38


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/397

tat-8 ta' Marzu 2018

dwar it-tnedija ta' skambju awtomatizzat ta' data fir-rigward ta' data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi fil-Portugall

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 33 tagħha,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (2),

Billi:

(1)

F'konformità mal-Artikolu 25(2) tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI, il-forniment ta' data personali previst skont dik id-Deċiżjoni ma jistax isir sakemm id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data stipulati fil-Kapitolu 6 ta' dik id-Deċiżjoni ma jkunux ġew implimentati fil-liġi nazzjonali tat-territorji tal-Istati Membri involuti f'tali forniment.

(2)

L-Artikolu 20 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI (3) jipprevedi li l-verifika li l-kondizzjoni msemmija fil-premessa 1 tkun ġiet sodisfatta fir-rigward tal-iskambju awtomatizzat ta' data f'konformità mal-Kapitolu 2 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI trid issir abbażi ta' rapport ta' valutazzjoni bbażat fuq kwestjonarju, żjara ta' valutazzjoni u prova pilota.

(3)

F'konformità mal-punt 1.1 tal-Kapitolu 4 tal-Anness għad-Deċiżjoni 2008/616/ĠAI, il-kwestjonarju mfassal mill-Grupp ta' Ħidma rilevanti tal-Kunsill jikkonċerna kull wieħed mill-iskambji awtomatizzati ta' data u jrid jitwieġeb minn Stat Membru hekk kif huwa jemmen li jissodisfa l-prerekwiżiti għall-kondiviżjoni tad-data fil-kategorija rilevanti ta' data.

(4)

Il-Portugall lesta l-kwestjonarju dwar il-protezzjoni tad-data u l-kwestjonarju dwar l-iskambju tad-data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi (VRD).

(5)

Il-Portugall wettaq b'suċċess prova pilota man-Netherlands.

(6)

Saret żjara ta' evalwazzjoni fil-Portugall u sar rapport dwar iż-żjara ta' evalwazzjoni mill-iskwadra ta' evalwazzjoni Netherlandiża, Spanjola u Slovakka li ntbagħat lill-Grupp ta' Ħidma rilevanti tal-Kunsill.

(7)

Ġie ppreżentat lill-Kunsill rapport ta' evalwazzjoni ġenerali, li jagħti sintesi tar-riżultati tal-kwestjonarju, taż-żjara ta' evalwazzjoni u tal-prova pilota fir-rigward tal-iskambju ta' VRD.

(8)

Fit-12 ta' Ottubru 2017, il-Kunsill, wara li ħa nota tal-ftehim tal-Istati Membri kollha marbutin bid-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI, ikkonkluda li l-Portugall kien implimenta għalkollox id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data stipulati fil-Kapitolu 6 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI.

(9)

Għalhekk, għall-finijiet tat-tiftix awtomatizzat tal-VRD, jenħtieġ li l-Portugall ikun intitolat li jirċievi u jforni data personali skont l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI.

(10)

L-Artikolu 33 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI jagħti lill-Kunsill setgħat ta' implimentazzjoni bil-ħsieb tal-adozzjoni tal-miżuri neċessarji għall-implementazzjoni ta' dik id-Deċiżjoni, b'mod partikolari fir-rigward tar-riċezzjoni u l-forniment ta' data personali previsti skont dik id-Deċiżjoni.

(11)

Peress li l-kondizzjonijiet biex jingħata bidu għall-eżerċizzju ta' tali setgħat ta' implimentazzjoni ġew sodisfatti u l-proċedura f'dan ir-rigward ġiet segwita, jenħtieġ li tiġi adottata Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni dwar it-tnedija fil-Portugall ta' skambju awtomatizzat ta' data fir-rigward ta' VRD sabiex dak l-Istat Membru jkun jista' jirċievi u jforni data personali skont l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI.

(12)

Id-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit huma marbuta bid-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI u għalhekk qed jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni li timplimenta d-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-finijiet tat-tiftix awtomatizzat ta' data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi, il-Portugall huwa intitolat li jirċievi u jforni data personali skont l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI mill-15 ta' Marzu 2018.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Marzu 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

V. RADEV


(1)  ĠU L 210, 6.8.2008, p. 1.

(2)  L-Opinjoni tas-7 ta' Frar 2018 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (ĠU L 210, 6.8.2008, p. 12).