ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 060I

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 61
2 ta' Marzu 2018


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament (UE) 2018/302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Frar 2018 dwar l-indirizzar tal-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat u forom oħrajn ta' diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, tal-post tar-residenza jew tal-post tal-istabbiliment tal-klijenti fi ħdan is-suq intern u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2006/2004 u (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE ( 1 )

1

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

REGOLAMENTI

2.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 60/1


REGOLAMENT (UE) 2018/302 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-28 ta' Frar 2018

dwar l-indirizzar tal-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat u forom oħrajn ta' diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, tal-post tar-residenza jew tal-post tal-istabbiliment tal-klijenti fi ħdan is-suq intern u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2006/2004 u (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Sabiex jintlaħaq il-potenzjal sħiħ tas-suq intern, bħala żona mingħajr fruntieri interni fejn jiġi żgurat il-moviment liberu ta', fost l-oħrajn, il-prodotti u s-servizzi, mhuwiex biżżejjed li jiġu aboliti, bejn l-Istati Membri, l-ostakoli tal-Istat waħidhom. Din l-abolizzjoni tista' tiġi mminata minn partijiet privati li jistabbilixxu ostakoli li huma inkonsistenti mal-libertajiet tas-suq intern. Dan iseħħ meta n-negozjanti li joperaw fi Stat Membru wieħed jimblukkaw jew jillimitaw l-aċċess għall-interfaċċi online tagħhom, bħal siti web u apps, minn klijenti minn Stati Membri oħrajn li jixtiequ jidħlu fi tranżazzjonijiet transfruntiera (prattika magħrufa bħala “mblukkar ġeografiku”). Dan iseħħ ukoll meta ċerti negozjanti japplikaw kundizzjonijiet ġenerali differenti ta' aċċess għall-prodotti u s-servizzi tagħhom b'rabta ma' dawn il-klijenti minn Stati Membri oħrajn kemm online u anki offline. Għalkemm tali trattament differenti jista', f'ċerti każijiet, ikun oġġettivament ġustifikat, f'każijiet oħrajn, xi prattiki tan-negozjanti jiċħdu jew jillimitaw l-aċċess għall-prodotti jew is-servizzi minn klijenti li jkunu jixtiequ jidħlu fi tranżazzjonijiet transfruntiera, jew ċerti negozjanti japplikaw kundizzjonijiet ġenerali differenti ta' aċċess f'dan ir-rigward, li mhumiex oġġettivament ġustifikati.

(2)

Hemm diversi raġunijiet sottostanti għaliex kumpanniji, u b'mod partikolari l-mikrointrapriżi u intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), japplikaw kundizzjonijiet ġenerali differenti ta' aċċess. F'ħafna każijiet, l-ambjenti legali differenti, l-inċertezza legali involuta, ir-riskji assoċjati fir-rigward tal-liġijiet applikabbli dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, il-liġijiet dwar l-ambjent jew dwar l-ittikkettar, it-tassazzjoni u l-kwistjonijiet fiskali, l-ispejjeż tal-konsenja jew ir-rekwiżiti lingwistiċi, jikkontribwixxu għan-nuqqas ta' rieda min-naħa tan-negozjanti li jidħlu f'relazzjonijiet kummerċjali ma' klijenti minn Stati Membri oħra. F'każijiet oħra, in-negozjanti jissegmentaw b'mod artifiċjali s-suq intern tul il-fruntieri interni u jfixklu l-moviment liberu tal-prodotti u servizzi, u b'hekk jillimitaw id-drittijiet tal-klijenti u ma jħalluhomx jibbenefikaw minn għażla aktar wiesgħa u minn kundizzjonijiet aħjar. Prattiki diskriminatorji bħal dawn huma fattur importanti li jikkontribwixxu għal-livell relattivament baxx tat-tranżazzjonijiet transfruntiera fi ħdan l-Unjoni, inkluż fis-settur tal-kummerċ elettroniku, li jipprevjenu milli jseħħ il-potenzjal tat-tkabbir sħiħ tas-suq intern. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jiċċara f'liema sitwazzjonijiet ma jistax ikun hemm ġustifikazzjoni għal trattament differenti ta' dan it-tip, biex b'hekk jinġiegħbu ċċarezza u ċ-ċertezza legali għall-parteċipanti kollha fit-tranżazzjonijiet transfruntiera u jiġi żgurat li r-regoli dwar in-nondiskriminazzjoni jkunu jistgħu jiġu applikati b'mod effettiv u jiġu infurzati fis-suq intern kollu. It-tneħħija tal-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat u forom oħra ta' diskriminazzjoni bbażati fuq in-nazzjonalità, il-post tar-residenza jew il-post tal-istabbiliment tal-klijenti jistgħu jrawmu t-tkabbir u l-għażla tal-konsumatur fis-suq intern kollu.

(3)

Dan ir-Regolament għandu l-iskop li jindirizza l-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat billi jneħħi ċerti ostakoli għall-funzjonament tas-suq intern. Madankollu, jeħtieġ li jitqies il-fatt li l-ħafna differenzi fil-leġislazzjoni tal-Istati Membri, bħal dawk li jirriżultaw minn standards nazzjonali differenti jew minn nuqqas ta' rikonoxximent reċiproku jew ta' armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni, għadhom jikkostitwixxu ostakoli sinifikanti għall-kummerċ transfruntier. Dawk l-ostakoli jkomplu jikkawżaw il-frammentazzjoni tas-suq intern, u spiss iwasslu lin-negozjanti jinvolvu ruħhom fi prattiki ta' mblukkar ġeografiku. Għalhekk, jenħtieġ li l-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jkomplu jindirizzaw dawk l-ostakoli bl-għan li jnaqqsu l-frammentazzjoni tas-suq u jikkompletaw is-suq intern.

(4)

F'konformità mal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri tas-servizzi stabbiliti fl-Unjoni ma jitrattawx lir-riċevituri tas-servizzi b'mod differenti abbażi tan-nazzjonalità jew tal-post tar-residenza tagħhom. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma kinitx effettiva bis-sħiħ f'dak li għandu x'jaqsam mal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u ma naqsitx b'mod suffiċjenti l-inċertezza legali. Dan ir-Regolament għandu l-għan li jkompli jikkjarifika l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2006/123/KE billi jiddefinixxi ċerti sitwazzjonijiet fejn trattamenti differenti abbażi tan-nazzjonalità, tal-post tar-residenza jew tal-post tal-istabbiliment ma jkunux jistgħu jiġu ġġustifikati skont dik d-dispożizzjoni. Madankollu, meta dan ir-Regolament ikun f'kunflitt mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/123/KE, jenħtieġ li jipprevali dan ir-Regolament. Barra minn hekk, b'konsegwenza tal-azzjonijiet minn negozjanti stabbiliti f'pajjiżi terzi, jista' jirriżulta mblukkar ġeografiku mhux ġustifikat u forom oħrajn ta' diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, tal-post tar-residenza jew tal-post tal-istabbiliment, li ma jaqgħux taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' dik id-Direttiva.

(5)

Għall-finijiet li jiġi assigurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern u t-trawwim tal-aċċess għall-prodotti u s-servizzi u l-moviment ħieles tagħhom madwar l-Unjoni mingħajr diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, il-post tar-residenza jew il-post tal-istabbiliment, il-miżuri fil-mira stabbiliti f'dan ir-Regolament, li jipprovdu għal sett ta' regoli ċari, uniformi u effettivi fuq għadd magħżul ta' kwistjonijiet, huma għalhekk meħtieġa. Dawk il-miżuri jenħtieġ li jkollhom l-għan li jwessgħu l-għażla tal-klijent u l-aċċess għall-prodotti u s-servizzi, filwaqt li jqisu l-libertà tan-negozjanti biex jorganizzaw il-politika kummerċjali tagħhom f'konformità mad--dritt tal-Unjoni u dak nazzjonali.

(6)

Dan ir-Regolament għandu l-għan li jipprevjeni d-diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, tal-post tar-residenza jew tal-post tal-istabbiliment tal-klijenti, inkluż l-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat, fit-tranżazzjonijiet transfruntiera bejn negozjant u klijent li għandhom x'jaqsmu mal-bejgħ ta' prodotti u mal-provvista ta' servizzi fi ħdan l-Unjoni. Għandu l-għan li jindirizza d-diskriminazzjoni diretta kif ukoll dik indiretta. Għalhekk, għandu wkoll l-għan li jkopri id-differenzi mhux ġustifikati fit-trattament abbażi ta' kriterji oħrajn ta' distinzjoni li jwasslu għall-istess riżultat bħall-applikazzjoni tal-kriterji bbażati b'mod dirett fuq in-nazzjonalità tal-klijenti jew fuq il-post tar-residenza, irrispettivament minn jekk il-klijent ikkonċernat huwiex preżenti, fuq bażi permanenti jew temporanja, fi Stat Membru ieħor jew tal-post tal-istabbiliment. Kriterji oħrajn bħal dawn jistgħu jiġu applikati, b'mod partikolari, abbażi ta' informazzjoni li tindika l-lokazzjoni fiżika tal-klijenti, bħall-indirizz tal-IP li jintuża meta tiġi aċċessata interfaċċa online, l-indirizz sottomess għall-konsenja tal-prodotti, l-għażla tal-lingwa li saret jew l-Istat Membru fejn intuża l-istrument ta' pagament tal-klijent.

(7)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li ma japplikax għal sitwazzjonijiet li huma purament interni għal Stat Membru, meta l-elementi kollha rilevanti tat-tranżazzjoni jkunu limitati għal Stat Membru wieħed, b'mod partikolari n-nazzjonalità, il-post tar-residenza jew il-post tal-istabbiliment tal-klijent jew tan-negozjant, il-post tal-eżekuzzjoni, il-mezzi ta' pagament użati fit-tranżazzjoni jew l-offerta, kif ukoll l-użu ta' interfaċċa online.

(8)

Ċerti ostakoli regolatorji u amministrattivi għan-negozjanti tneħħew mill-Unjoni kollha f'ċerti setturi tas-servizzi minħabba l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2006/123/KE. Konsegwentement f'termini ta' kamp ta' applikazzjoni materjali tiegħu, jenħtieġ li l-konsistenza bejn dan ir-Regolament u d-Direttiva 2006/123/KE tiġi żgurata. Għaldaqstant, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika, fost l-oħrajn, għal servizzi mhux awdjoviżivi forniti elettronikament li l-karatteristika prinċipali tagħhom tkun l-għoti ta' aċċess għal u l-użu ta' xogħlijiet protetti bid-dritt tal-awtur jew suġġetti oħrajn protetti, madankollu soġġetti għall-esklużjoni speċifika u l-evaluwazzjoni sussegwenti ta' dik l-esklużjoni li għaliha jipprovdi dan ir-Regolament. Is-servizzi awdjoviżivi, inklużi servizzi li l-iskop prinċipali tagħhom ikun l-għoti ta' aċċess għal xandiriet ta' avvenimenti sportivi u li huma pprovduti abbażi ta' liċenzji territorjali esklużivi, huma esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. L-aċċess għal servizzi finanzjarji, inklużi servizzi ta' pagament, jenħtieġ li għalhekk jiġu esklużi wkoll, minkejja d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament rigward in-nondiskriminazzjoni fil-pagamenti.

(9)

Id-diskriminazzjoni tista' sseħħ ukoll fir-rigward ta' servizzi fil-qasam tat-trasport, b'mod partikolari fir-rigward tal-bejgħ tal-biljetti għat-trasport tal-passiġġieri. Madankollu, f'dan ir-rigward ir-Regolamenti (KE) Nru 1008/2008 (4), (UE) Nru 1177/2010 (5) u (UE) Nru 181/2011 (6) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill diġà jinkludu projbizzjonijiet wiesgħa ta' diskriminazzjoni li jkopru l-prattiki diskriminatorji kollha li dan ir-Regolament għandu l-għan li jindirizza. Barra minn hekk, huwa maħsub li r-Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) ser jiġi emendat f'dan is-sens fil-futur qrib. Għalhekk, u sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123/KE, is-servizzi fil-qasam tat-trasport jenħtieġ li jibqgħu barra mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(10)

Meta negozjant joffri pakkett b'taħlita ta'diversi servizzi jew ġabra ta' prodotti mħallta ma' servizzi, u wieħed jew aktar minn dawk is-servizzi, jekk jiġu offruti fuq bażi individwali, jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament filwaqt li xi servizz jew servizzi oħra ma jaqgħux, dak in-negozjant jenħtieġ li jħares il-projbizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament fir-rigward tal-pakkett kollu, jew tal-inqas joffri fuq bażi individwali s-servizzi li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, jekk dawk is-servizzi jiġu offruti lill-klijenti mill-istess negozjant fuq bażi individwali. Meta negozjant jipprovdi servizz jew prodott fuq bażi individwali li mhumiex f'pakkett, jenħtieġ li n-negozjant jibqa' ħieles li jiddeċiedi l-prezz li japplika għal tali servizz jew prodott li mhumiex f'pakkett sakemm ma japplikax prezzijiet differenti għal raġunijiet relatati man-nazzjonalità, il-post tar-residenza jew il-post tal-istabbiliment.

(11)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli fil-qasam tat-tassazzjoni, peress li t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprovdi bażi speċifika għall-azzjoni fil-livell tal-Unjoni fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' tassazzjoni.

(12)

F'konformità mar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), l-għażla tal-liġi applikabbli għall-kuntratti bejn konsumatur u professjonist li jwettaq l-attivitajiet kummerċjali jew professjonali fil-pajjiż tar-residenza abitwali tal-konsumatur, jew li, bi kwalunkwe mezz, jidderieġi dawn l-attivitajiet lejn dak il-pajjiż jew lejn diversi pajjiżi inkluż dak il-pajjiż, tista' ma twassalx għaċ-ċaħda tal-konsumatur mill-protezzjoni mogħtija mid-dispożizzjonijiet li minnhom ma tistax issir deroga bi ftehim, bis-saħħa tal-liġi tal-pajjiż tar-residenza abitwali tal-konsumatur. F'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), fi kwistjonijiet relatati ma' kuntratt bejn konsumatur u persuna li tinvolvi ruħha f'attivitajiet kummerċjali jew professjonali fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur jew li, bi kwalunkwe mezz, tidderieġi dawn l-attivitajiet lejn dak l-Istat Membru jew lejn diversi Stati inkluż dak l-Istat Membru, konsumatur jista' jressaq proċedimenti kontra l-parti l-oħra fil-qrati tal-Istat Membru fejn ikun domiċiljat il-konsumatur u l-proċedimenti jistgħu jinġiebu kontra l-konsumatur f'dawk il-qrati biss.

(13)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Unjoni dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili, u b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali u dwar il-ġurisdizzjoni tal-qorti stabbiliti fir-Regolamenti (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u (UE) Nru 1215/2012. B'mod partikolari, is-sempliċi fatt li negozjant jikkonforma ma' dan ir-Regolament jenħtieġ li ma jiġix interpretat li jimplika li negozjant jidderieġi l-attivitajiet lejn l-Istat Membru tal-konsumatur fi ħdan it-tifsira tal-punt (b) tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 593/2008, u tal-punt (c) tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012. Għalhekk, is-sempliċi fatt li n-negozjant ma jimblukkax jew ma jillimitax l-aċċess għall-interfaċċa online minn konsumaturi minn Stat Membru ieħor,ma japplikax kundizzjonijiet ġenerali differenti ta' aċċess fil-każijiet stipulati f'dan ir-Regolament jew ma japplikax kundizzjonijiet differenti għal tranżazzjonijiet ta' pagament fil-firxa ta' mezzi ta' pagament aċċettabbli, jenħtieġ li, fih innifsu, ma jitqiesx bħala li “jidderieġi l-attivitajiet tiegħu lejn l-Istat Membru tal-konsumatur”, għall-fini tad-determinazzjoni tal-liġi u l-ġurisdizzjoni applikabbli. Lanqas ma jenħtieġ li negozjant, fuq dawk ir-raġunijiet biss, ikun ikkunsidrat li qed jidderieġi l-attivitajiet lejn l-Istat Membru tar-residenza jew id-domiċilju abitwali tal-konsumatur, meta n-negozjant jipprovdi informazzjoni u assistenza lill-konsumatur wara l-konklużjoni tal-kuntratt li rriżulta mill-konformità tan-negozjant ma' dan ir-Regolament.

(14)

Fir-rigward tat-tifsira u l-applikazzjoni tal-kunċett ta' “servizzi pprovduti elettronikament” kif definit f'dan ir-Regolament, huwa importanti li tiġi pprovduta ċertezza legali u tiġi żgurata konsistenza mad-dritt tal-Unjoni relatat mat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), li jippermetti lin-negozjant jiddikjara u jħallas il-VAT b'mod simplifikat permezz tal-VAT tal-Mini-One-Stop-Shop (MOSS) f'konformità mar-regoli tal-Iskema Speċjali għall-persuni taxxabbli mhux stabbiliti stipulati fid-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (10) u r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 (11). Minħabba żviluppi teknoloġiċi u kummerċjali rapidi, il-kunċett ta' servizzi pprovduti elettronikament jenħtieġ li jkun definit b'mod teknoloġikament newtrali, permezz ta' referenza għall-karatteristiċi ewlenin ta' tali servizzi, b'mod li hu konsistenti mad-definizzjoni fornita fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011. Għaldaqstant, meta tkun interpretata u applikata dik id-definizzjoni, jenħtieġ li jitqiesu l-ispeċifikazzjonijiet ulterjuri inklużi fl-Anness II tad-Direttiva 2006/112/KE, u fl-Artikolu 7(2) u (3) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 u fl-Anness I tiegħu, sakemm is-servizzi elenkati f'dawk id-dispożizzjonijiet jaqgħu fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(15)

Ġeneralment, il-prattiki diskriminatorji li dan ir-Regolament għandu l-għan li jindirizza jseħħu permezz ta' termini ġenerali, kundizzjonijiet jew informazzjoni oħra stabbiliti u applikati minn jew f'isem in-negozjant ikkonċernat, bħala prekundizzjoni għall-ksib tal-aċċess għall-prodotti jew għas-servizzi inkwistjoni, u li huma disponibbli għall-pubbliku b'mod ġenerali. Dawn il-kundizzjonijiet ġenerali ta' aċċess jinkludu, fost l-oħrajn, prezzijiet, kundizzjonijiet ta' pagament u kundizzjonijiet ta' konsenja. Dawn jistgħu jsiru disponibbli għall-pubbliku ġenerali minn jew f'isem in-negozjant permezz ta' diversi mezzi, bħall-informazzjoni ppubblikata fir-reklami, fuq is-siti web jew fuq dokumentazzjoni prekuntrattwali jew kuntrattwali. Dawn il-kundizzjonijiet ġenerali ta' aċċess japplikaw fin-nuqqas ta' ftehim bil-kontra nnegozjat b'mod individwali magħmul b'mod dirett bejn in-negozjant u l-klijent. Il-patti u l-kundizzjonijiet li huma nnegozjati b'mod individwali bejn in-negozjant u l-klijenti jenħtieġ li ma jitqiesux bħala kundizzjonijiet ġenerali tal-aċċess għall-finijiet ta' dan ir-Regolament.

(16)

Meta jixtru prodotti jew servizzi bħala utenti aħħarin skont il-kundizzjonijiet ġenerali ta' aċċess, il-konsumaturi u l-impriżi, b'mod partikolari l-mikrointrapriżi u l-SMEs, spiss ikunu f'pożizzjoni simili. Għalhekk, kemm il-konsumaturi kif ukoll l-impriżi jenħtieġ li jkunu protetti mid-diskriminazzjoni għal raġunijiet relatati man-nazzjonalità, mal-post tar-residenza jew mal-post tal-istabbiliment tagħhom meta jaġixxu bħala klijenti għall-finijiet ta' dan ir-Regolament. Madankollu, jenħtieġ li din il-protezzjoni ma testendix għall-klijenti li qed jixtru prodott jew servizz għall-bejgħ mill-ġdid sussegwenti, għat-trasformazzjoni, għall-ipproċessar, għall-kera jew għall-subkuntrattazzjoni peress li dan jaffettwa l-iskemi ta' distribuzzjoni użati b'mod wiesa' bejn l-impriżi f'kuntest minn negozju għal negozju, spiss innegozjati bilateralment u li huma marbuta direttament mal-istrateġiji kummerċjali fil-livell downstream u f'dak upstream. Eżempji ta' tali skemi jinkludu d-distribuzzjoni selettiva u esklużiva, li ġeneralment tippermetti lill-manifatturi jagħżlu l-bejjiegħa bl-imnut tagħhom, soġġetti għall-konformità mar-regoli dwar il-kompetizzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament ikun mingħajr preġudizzju għal prattiki mhux diskriminatorji ta' negozjanti li jillimitaw it-tranżazzjonijiet jew tranżazzjonijiet ripetittivi, sabiex jipprevjenu lill-impriżi milli jixtru kwantitajiet li jaqbżu l-ħtiġijiet interni tagħhom, billi jitqies id-daqs tal-impriżi, bil-ħsieb li jkun identifikat jekk ix-xiri huwa għal użu aħħari biss.

(17)

L-effetti għall-klijenti u fuq is-suq intern tat-trattament diskriminatorju b'rabta mat-tranżazzjonijiet relatati mal-bejgħ tal-prodotti jew mal-provvista tas-servizzi fi ħdan l-Unjoni huma l-istess, irrispettivament minn jekk in-negozjant huwiex stabbilit fi Stat Membru jew f'pajjiż terz. Għalhekk, u bl-għan li jiġi żgurat li n-negozjanti kompetituri jkunu soġġetti għall-istess rekwiżiti f'dan ir-rigward, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika bl-istess mod għan-negozjanti kollha, inklużi swieq online, li qed joperaw fi ħdan l-Unjoni.

(18)

Sabiex tiżdied l-abbiltà għall-klijenti biex ikollhom aċċess għal informazzjoni relatata mal-bejgħ tal-prodotti u l-provvista tas-servizzi fi ħdan is-suq intern u biex tiżdied it-trasparenza, inkluż fir-rigward tal-prezzijiet, jenħtieġ li n-negozjanti ma jimpedixxux, permezz tal-użu ta' miżuri teknoloġiċi jew b'xi mod ieħor, lill-klijenti milli jkollhom aċċess sħiħ u ugwali għal interfaċċi online, inkluż fil-forma ta' applikazzjonijiet tal-mobile, abbażi tan-nazzjonalità, tal-post tar-residenza jew tal-post tal-istabbiliment tagħhom. Dawn il-miżuri teknoloġiċi biex jipprevjenu tali aċċess jistgħu jinkludu, b'mod partikolari, kwalunkwe teknoloġija użata biex tiddetermina l-post fiżiku tal-klijenti, inkluż l-ittraċċar ta' dik il-lokazzjoni permezz tal-indirizz tal-IP jew il-koordinati miksuba permezz ta' sistema globali tan-navigazzjoni bis-satellita. Madankollu, jenħtieġ li l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni fir-rigward tal-aċċess għal interfaċċi online ma tinftiehemx li toħloq obbligu għan-negozjant li jidħol fi tranżazzjonijiet mal-klijenti.

(19)

Sabiex jiġi żgurat it-trattament ugwali tal-klijenti u sabiex tiġi evitata diskriminazzjoni, kif meħtieġ minn dan ir-Regolament, jenħtieġ li n-negozjanti ma jfasslux l-interfaċċa online tagħhom jew japplikaw mezzi teknoloġiċi b'mod li, fil-prattika, ma jippermettix lill-klijenti minn Stati Membri oħra sabiex faċilment jikkompletaw l-ordnijiet tagħhom.

(20)

Ċerti negozjanti joperaw verżjonijiet differenti tal-interfaċċi online tagħhom, li jimmiraw lil klijenti minn Stati Membri differenti. Filwaqt li dan jenħtieġ li jibqa' possibbli, ir-ridirezzjonar ta' klijenti minn verżjoni partikolari tal-interfaċċa online lejn verżjoni oħra mingħajr il-kunsens espliċitu tagħhom jenħtieġ li jkun ipprojbit. Jenħtieġ li n-negozjanti ma jkunux taħt l-obbligu li jitolbu l-kunsens espliċitu tal-klijent kull darba li l-klijent iżur l-istess interfaċċa online. Ladarba jkun ingħata l-kunsens espliċitu tal-klijent, inkluż billi tiġi espressa preferenza li tapplika għal kont personali, jenħtieġ li dak il-kunsens espliċitu jitqies bħala validu għaż-żjarat sussegwenti kollha tal-istess klijent għall-istess interfaċċa online. Jenħtieġ li jkun possibbli għall-klijent li jirtira tali kunsens fi kwalunkwe ħin. Il-verżjonijiet kollha tal-interfaċċa online jenħtieġ li jibqgħu aċċessibbli b'mod faċli għall-klijenti l-ħin kollu.

(21)

F'ċerti każijiet, l-imblukkar jew l-illimitar tal-aċċess, jew ir-ridirezzjonar mingħajr il-kunsens espliċitu tal-klijent lejn verżjoni alternattiva ta' interfaċċa online għal raġunijiet relatati man-nazzjonalità, mal-post tar-residenza jew mal-post tal-istabbiliment tal-klijent jistgħu jkunu neċessarji sabiex tiġi żgurata l-konformità ma' rekwiżit legali stipulat fid-dritt tal-Unjoni jew fil-liġijiet ta' Stat Membru skont id-dritt tal-Unjoni, li għalih in-negozjant hu soġġett bħala konsegwenza tal-operat f'dak l-Istat Membru. Dawn il-liġijiet jistgħu jillimataw l-aċċess tal-klijenti għal ċerti prodotti jew servizzi, pereżempju billi jipprojbixxu l-wiri ta' kontenut speċifiku f'ċerti Stati Membri. Jenħtieġ li n-negozjanti ma jitwaqqfux milli jikkonformaw ma' dawn ir-rekwiżiti u b'hekk jenħtieġ li jkunu jistgħu jimblukkaw jew jillimitaw l-aċċess, jew jidderieġu mill-ġdid ċerti klijenti jew klijenti f'ċerti territorji lejn interfaċċa online, sa fejn dan huwa meħtieġ għal dik ir-raġuni. Xejn f'dan ir-Regolament mhuwa maħsub biex jirrestrinġi l-libertà tal-espressjoni u l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja, inkluż il-libertà tal-espressjoni, kif inhuma garantiti fl-Unjoni u fl-Istati Membri, u b'mod partikolari skont l-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta).

(22)

F'numru ta' sitwazzjonijiet speċifiċi, kull differenza fit-trattament tal-klijenti permezz tal-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-aċċess, inklużi rifjuti diretti li jinbiegħu l-prodotti jew li jiġu pprovduti s-servizzi għal raġunijiet relatati man-nazzjonalità, mal-post tar-residenza jew mal-post tal-istabbiliment tal-klijenti ma tistax tiġi ġġustifikata b'mod oġġettiv. F'dawn is-sitwazzjonijiet, kull diskriminazzjoni bħal din jenħtieġ li tiġi pprojbita u l-klijenti jenħtieġ li konsegwentement ikunu intitolati, skont il-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti f'dan ir-Regolament, biex jidħlu fi tranżazzjonijiet bl-istess kundizzjonijiet bħal klijent lokali u jenħtieġ li jkollhom aċċess sħiħ u l-istess aċċess għal kwalunkwe wieħed mill-prodotti jew is-servizzi differenti offruti irrispettivament min-nazzjonalità, mill-post tar-residenza jew mill-post tal-istabbiliment tagħhom. Għalhekk, fejn meħtieġ, negozjanti jenħtieġ li jieħdu miżuri biex tiġi żgurata l-konformità ma' din il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni f'każ li, inkella, il-klijenti kkonċernati jkunu preklużi milli jkollhom aċċess sħiħ u ugwali bħal dan.

(23)

L-ewwel waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet hija fejn in-negozjant ibigħ il-prodotti u dawk l-prodotti jiġu kkonsenjati fi Stat Membru li fih in-negozjant joffri l-konsenja taħt il-kundizzjonijiet ġenerali ta' aċċess tan-negozjant jew li jinġabru f'post maqbul bejn in-negozjant u l-klijent fi Stat Membru li fih in-negozjant joffri tali għażla f'dawk il-kundizzjonijiet ġenerali ta' aċċess. F'din is-sitwazzjoni l-klijent jenħtieġ li jkun jista' jixtri l-prodotti, eżattament bl-istess kundizzjonijiet, inklużi l-prezz u l-kundizzjonijiet relatati mal-konsenja tal-prodotti, bħall-klijenti simili li huma residenti jew stabbiliti fl-Istat Membru li fih jiġu kkonsenjati l-prodotti jew li fih jinġabru l-prodotti. Dan jista' jfisser li l-klijenti barranin ikollhom jiġbru l-prodotti f'dak l-Istat Membru, jew fi Stat Membru differenti li n-negozjant ikun jikkonsenja fih, jew jorganizzaw, bil-mezzi privati tagħhom stess, il-konsenja transfruntiera tal-prodotti. F'din is-sitwazzjoni, f'konformità mad-Direttiva 2006/112/KE, m'hemmx bżonn li wieħed jirreġistra għall- VAT fl-Istat Membru tal-klijent.

(24)

It-tieni sitwazzjoni hija meta n-negozjant jipprovdi servizzi pprovduti elettronikament. F'dan il-każ, mhija meħtieġa l-ebda konsenja fiżika, peress li s-servizzi qed jiġu pprovduti elettronikament. In-negozjant jista' jiddikjara u jħallas il-VAT b'mod issimplifikat skont ir-regoli applikabbli għall-VAT MOSS stabbiliti fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011. Servizzi pprovduti elettronikament jinkludu pereżempju servizzi ta' cloud, servizzi ta' maħżen virtwali tad-data, ospitar tas-sit web u l-provvista tal-firewalls, l-użu ta' magni tat-tiftix u direttorji tal-Internet.

(25)

Fl-aħħar nett, fis-sitwazzjoni fejn in-negozjant jipprovdi s-servizzi u dawk is-servizzi jiġu rċevuti mill-klijent f'lokazzjoni fiżika, bħall-post tan-negozjant jew kwalunkwe lokazzjoni oħra speċifika fejn in-negozjant joffri li jipprovdi servizzi fi ħdan it-territorju fejn in-negozjant jopera, l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet ġenerali differenti ta' aċċess għal raġunijiet relatati man-nazzjonalità, il-post tar-residenza jew il-post tal-istabbiliment tal-klijent ma tkunx ġustifikata lanqas. Dawn is-sitwazzjonijiet jikkonċernaw l-għoti tas-servizzi minbarra dawk pprovduti elettronikament, bħall-akkomodazzjoni f'lukanda, avvenimenti sportivi, kiri tal-karozzi, u biljetti tad-dħul għal festivals tal-mużika jew parks ta' divertiment. F'dawn is-sitwazzjonijiet, in-negozjant ma jeħtiġlux jirreġistra għall-VAT fi Stat Membru ieħor u lanqas jagħmel arranġamenti għall-konsenja transfruntiera tal-prodotti.

(26)

F'dawn is-sitwazzjonijiet kollha, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali u dwar il-ġurisdizzjoni stabbiliti fir-Regolamenti (KE) Nru 593/2008 u (UE) Nru 1215/2012, fejn negozjant ma jwettaqx l-attivitajiet fl-Istat Membru tal-konsumatur jew ma jidderiġix l-attivitajiet hemm, il-konformità ma' dan ir-Regolament ma tinvolvi l-ebda spiża addizzjonali għan-negozjant assoċjata ma' ġurisdizzjoni jew ma' differenzi fil-liġi applikabbli. Fejn, b'kuntrast, negozjant iwettaq l-attivitajiet fl-Istat Membru tal-konsumatur, jew jidderieġi l-attivitajiet hemm, in-negozjant ikun immanifesta l-intenzjoni tiegħu li jistabbilixxi relazzjonijiet kummerċjali mal-konsumaturi minn dak l-Istat Membru u b'hekk kien kapaċi jieħu kont ta' kwalunkwe spiża bħal din.

(27)

Jenħtieġ li l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni tal-klijenti skont dan ir-Regolament ma tinftiehemx bħala li tipprekludi lin-negozjanti milli joffru prodotti jew servizzi fi Stati Membri differenti jew għal ċerti gruppi ta' klijenti, permezz ta' offerti mmirati u kundizzjonijiet ġenerali differenti, inkluż permezz tal-istabbiliment ta' interfaċċi online speċifiċi għall-pajjiżi. Madanakollu f'dawk is-sitwazzjonijiet, jenħtieġ li n-negozjanti jittrattaw lill-klijenti tagħhom b'mod nondiskriminatorju, irrispettivament min-nazzjonalità jew il-post tar-residenza jew il-post tal-istabbiliment tagħhom meta klijent jixtieq jibbenefika minn tali offerti u kundizzjonijiet ġenerali ta' aċċess. Jenħtieġ li dik il-projbizzjoni ma tinftiehemx bħala li tipprekludi l-applikazzjoni ta' kundizzjonijiet ġenerali ta'aċċess li jkunu differenti għal raġunijiet oħra, bħal pereżempju sħubija ta' assoċjazzjoni partikolari jew kontribuzzjonijiet li jingħataw lin-negozjant, fejn tali raġunijiet ma jkunux relatati man-nazzjonalità, mal-post tar-residenza jew mal-post tal-istabbiliment. Jenħtieġ li dik il-projbizzjoni lanqas ma tinftiehem bħala li tipprekludi l-libertà tan-negozjanti li joffru, fuq bażi nondiskriminatorja, kundizzjonijiet differenti, inklużi prezzijiet differenti, f'punti ta' bejgħ differenti, bħal ħwienet u siti web, jew li jagħmlu offerti speċifiċi biss għal territorju speċifiku fi ħdan Stat Membru.

(28)

Barra minn hekk, dik il-projbizzjoni jeħtieġ li ma tinftiehemx bħala li taffettwa l-applikazzjoni ta' xi limitazzjoni territorjali jew limitazzjoni oħra fuq l-assistenza ta' wara l-bejgħ lill-klijenti jew is-servizzi ta' wara l-bejgħ offruti min-negozjanti lill-klijenti. Jenħtieġ għalhekk li dan ir-Regolament ma jinftiehemx bħala li jimponi obbligu li jitwasslu l-prodotti b'mod transfruntier lil Stat Membru ieħor fejn in-negozjant ma joffrix il-possibbiltà ta' tali konsenja lill-klijenti tiegħu. Lanqas ma jenħtieġ li jinftiehem bħala li jipprevedi obbligu addizzjonali li jħallas l-ispejjeż kollha tal-posta u t-trasport u tal-immuntar u l-iżżarmar lil hinn minn dak li ġie miftiehem b'kuntratt skont id-dritt tal-Unjoni u dak nazzjonali. L-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għad-Direttivi 1999/44/KE (12) u 2011/83/UE (13) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(29)

Is-sempliċi konformità ma' dan ir-Regolament jenħtieġ li, fiha nnifisha, ma tinvolvix obbligu biex negozjant jikkonforma mar-rekwiżiti legali nazzjonali mhux kuntrattwali li jirrigwardaw il-prodotti u s-servizzi rispettivi tal-Istat Membru tal-klijent, bħall-ittikkettjar jew rekwiżiti speċifiċi għas-settur, jew li jinforma lill-klijenti dwar dawk ir-rekwiżiti.

(30)

In-negozjanti li jaqgħu taħt l-iskema speċjali prevista fil-Kapitolu 1 tat-Titolu XII tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE mhumiex obbligati jħallsu l-VAT fl-Istat Membru fejn huma stabbiliti. Għal dawk in-negozjanti, meta jipprovdu s-servizzi elettronikament, il-projbizzjoni tal-applikazzjoni ta' kundizzjonijiet ġenerali differenti ta' aċċess għal raġunijiet marbuta man-nazzjonalità, mal-post tar-residenza jew mal-post tal-istabbiliment tal-klijent timplika rekwiżit ta' reġistrazzjoni sabiex jitqies il-VAT ta' Stati Membri oħra u tista' timplika xi spejjeż addizzjonali, li jkunu piż sproporzjonat, meta wieħed iqis id-daqs u l-karatteristiċi tan-negozjanti kkonċernati. Għalhekk, dawk in-negozjanti jenħtieġ li jkunu eżentati minn dik il-projbizzjoni sakemm tkun applikabbli skema bħal din.

(31)

F'dawk is-sitwazzjonijiet kollha, in-negozjanti f'xi każijiet jistgħu jinżammu milli jbigħu l-prodotti jew milli jipprovdu s-servizzi lil ċerti klijenti jew lill-klijenti f'ċerti territorji, għal raġunijiet marbuta man-nazzjonalità, mal-post tar-residenza jew mal-post tal-istabbiliment tal-klijent, b'konsegwenza ta' projbizzjoni speċifika jew ta' rekwiżit stipulat fid-dritt tal-Unjoni jew fil-liġijiet ta' xi Stati Membri skont id-dritt tal-Unjoni. Il-liġijiet tal-Istati Membri jistgħu jirrikjedu wkoll, skont id-dritt tal-Unjoni, li n-negozjanti jirrispettaw ċerti regoli dwar l-ipprezzar tal-kotba. Jenħtieġ li n-negozjanti ma jitwaqqfux milli jikkonformaw ma' dawn il-liġijiet sa fejn ikun meħtieġ.

(32)

Skont id-dritt tal-Unjoni, in-negozjanti huma, fil-prinċipju, liberi li jiddeċiedu liema mezzi ta' pagament jixtiequ jaċċettaw. Skont ir-Regolament (UE) 2015/751 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) u d-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15), in-negozjanti li jaċċettaw strumenti ta' pagament permezz ta' kard ta' ditta u kategorija ta' pagament speċifiċi mhumiex obbligati li jaċċettaw kards ta' dik l-istess kategorija minn ditti oħrajn ta' strumenti ta' pagament permezz ta' kard, jew ta' kategoriji oħrajn ta' kards mill-istess ditta. Għalhekk in-negozjanti li jaċċettaw kard tad-debitu ta' ditta partikolari ma mhumiex obbligati li jaċċettaw kard tal-kreditu ta' dik id-ditta, jew, meta jaċċettaw kards tal-kreditu tal-konsumaturi ta' ditta partikolari li jaċċettaw ukoll kards tal-kreditu kummerċjali tal-istess ditta. Bl-istess mod, negozjant li juża s-servizzi ta' bidu ta' pagament definiti fid-Direttiva (UE) 2015/2366 ma għandu l-ebda obbligu li jaċċetta l-pagament, jekk dan ikun jirrikjedi dħul f'kuntratt ġdid jew modifikat ma' fornitur ta' servizzi ta' bidu ta' pagament. Madankollu, ladarba din l-għażla tkun saret jenħtieġ li n-negozjanti ma jiddiskriminawx kontra klijenti fi ħdan l-Unjoni billi jirrifjutaw ċerti tranżazzjonijiet, jew inkella billi japplikaw ċerti kundizzjonijiet differenti tal-pagamenti fir-rigward ta' dawn it-tranżazzjonijiet, għal raġunijiet relatati man-nazzjonalità, mal-post tar-residenza jew mal-post tal-istabbiliment tal-klijent. F'dak il-kuntest partikolari, dan it-trattament mhux iġġustifikat u mhux ugwali għal raġunijiet relatati mal-post tal-kont ta' pagament, mal-post tal-istabbiliment tal-fornitur tas-servizzi ta' pagament jew mal-post tal-ħruġ tal-istrument tal-pagament fi ħdan l-Unjoni jenħtieġ li jkun espressament ipprojbit bl-istess mod. Jenħtieġ li jkun imfakkar ukoll li r-Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) diġà jipprojbixxi lill-benefiċjarji kollha, inklużi n-negozjanti, milli jobbligaw li l-kontijiet bankarji jkunu minn ċertu Stat Membru sabiex jiġi aċċettat li l-pagamenti jsiru bl-euro. In-negozjant jenħtieġ li jibqa' liberu li jitlob ħlasijiet għall-użu ta' strument ta' pagament, skont id-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, dan id-dritt huwa soġġett għar-restrizzjonijiet introdotti mill-Istati Membri skont l-Artikolu 62(5) tad-Direttiva (UE) 2015/2366.

(33)

Id-Direttiva (UE) 2015/2366 introduċiet rekwiżiti stretti tas-sigurtà għall-inizjazzjoni u għall-ipproċessar tal-pagamenti elettroniċi. Dawk ir-rekwiżiti naqsu r-riskji tal-frodi għall-mezzi kollha ġodda u dawk iktar tradizzjonali ta' ħlas, speċjalment għall-pagamenti online. Il-fornituri tas-servizz tal-pagamenti obbligati japplikaw l-hekk imsejħa awtentikazzjoni tal-klijent, proċess ta' awtentikazzjoni li jivvalida l-identità tal-utent ta' servizz ta' pagament jew tat-tranżazzjoni tal-pagament. Għat-tranżazzjonijiet mill-bogħod, bħall-pagamenti online, ir-rekwiżiti tas-sigurtà huma saħansitra iktar stretti, u jeżiġu rabta dinamika bejn l-ammont tat-tranżazzjoni u l-kont ta' min jirċievi l-ħlas, biex l-utent ikun imħares iktar bil-minimizzazzjoni tar-riskji fil-każ ta' żbalji jew attakki qarrieqa. B'riżultat ta' dawk ir-rekwiżiti, ir-riskju tal-frodi fil-pagamenti fix-xiri nazzjonali u dak transfruntier tnaqqas b'mod sinifikanti. Madankollu, f'sitwazzjonijiet fejn m'hemmx mezz ieħor disponibbli għan-negozjant biex inaqqas ir-riskju ta' inadempjenza tal-klijenti, inkluż b'mod partikolari diffikultajiet marbuta mal-valutazzjoni tal-affidabbiltà tal-kreditu tal-klijent, in-negozjanti jenħtieġ li jkunu jistgħu jżommu l-konsenja tal-prodotti jew l-għoti tas-servizz sakemm jirċievu konferma li t-tranżazzjoni ta' pagament tkun inbdiet kif xieraq. Fil-każ ta' debitu dirett, jenħtieġ li n-negozjanti jitħallew jitolbu pagament bil-quddiem permezz ta' trasferiment ta' kreditu qabel ma jintbagħtu l-prodotti jew qabel ma jiġi pprovdut is-servizz. Jenħtieġ li t-trattament differenti, madankollu, ikun ibbażat biss fuq raġunijiet oġġettivi u ġustifikati tajjeb.

(34)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jaffettwax l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni u b'mod partikolari l-Artikoli 101 u 102 TFUE. B'mod partikolari, jenħtieġ li dan ir-Regolament, u b'mod speċifiku d-dispożizzjonijiet tiegħu dwar l-aċċess għall-prodotti u s-servizzi, ma jaffettwax il-ftehimiet li jirrestrinġu l-bejgħ attiv fis-sens tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 330/2010 (17). Ftehimiet li jimponu obbligi fuq in-negozjanti biex ma jinvolvux ruħhom f'bejgħ passiv fir-rigward ta' ċerti klijenti jew gruppi ta' klijenti f'ċerti territorji huma meqjusa b'mod ġenerali li jirrestrinġu l-kompetizzjoni u ma jistgħux normalment jiġu eżentati mill-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE. Fejn, madanakollu, tali eżenzjoni ma tkunx tapplika jew meta r-restrizzjonijiet kuntrattwali ma jkunux koperti mill-Artikolu 101 TFUE, hemm riskju li dawn jistgħu jintużaw biex jiġu evitati d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament. Id-dispożizzjonijiet rilevanti ta' dawn il-ftehimiet għalhekk jenħtieġ li jkunu awtomatikament nulli, meta dawn jimponu fuq in-negozjanti obbligi biex jaġixxu fi ksur tal-projbizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament rigward interfaċċa online, l-aċċess għall-prodotti jew servizzi u pagament. Dawk id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw, pereżempju, ir-restrizzjonijiet kuntrattwali li jipprevjenu lil negozjant milli jirrispondi għal talbiet mhux soliċitati minn klijenti individwali għall-bejgħ ta' prodotti, mingħajr konsenja, barra mit-territorju allokat kuntrattwalment tan-negozjant għal raġunijiet relatati man-nazzjonalità, mal-post tar-residenza jew mal-post tal-istabbiliment tal-klijent.

(35)

L-Istati Membri jenħtieġ li jaħtru korp wieħed jew iżjed li jkun responsabbli għat-teħid ta' azzjoni effettiva biex tiġi żgurata l-konformità ma' dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dawk il-korpi, li jistgħu jinkludu l-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi, ikollhom is-setgħat neċessarji biex jordnaw lin-negozjant jikkonforma ma' dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw ukoll li jkunu jistgħu jittieħdu miżuri effettivi, proporzjonati u dissważivi kontra n-negozjanti fil-każ ta' kwalunkwe ksur ta' dan ir-Regolament.

(36)

Il-konsumaturi jenħtieġ li jkunu fil-pożizzjoni li jirċievu assistenza mill-awtoritajiet responsabbli li tiffaċilita r-riżoluzzjoni tat-tilwim man-negozjanti, li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, inkluż, fejn xieraq, il-korpi stabbiliti skont ir-Regolament (UE) Nru 524/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18).

(37)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament jiġi evalwat regolarment, bl-għan li jiġu proposti emendi fejn ikun hemm bżonnhom. Tali evalwazzjonijiet jenħtieġ li jqisu l-impatt ġenerali tar-Regolament fuq is-suq intern u kummerċ elettroniku transfruntier. L-ewwel evalwazzjoni jenħtieġ li tikkonċentra fuq l-ivvalutar tal-possibbiltà li tiġi estiża l-projbizzjoni ta' kundizzjonijiet ġenerali differenti ta' aċċess għal servizzi forniti elettronikament, inklużi dawk li l-karatteristika prinċipali tagħhom tkun l-għoti ta' aċċess għal u l-użu ta' xogħlijiet protetti bid-dritt tal-awtur jew suġġetti oħrajn protetti, dejjem jekk in-negozjant ikollu d-drittijiet meħtieġa għat-territorji rilevanti. Jenħtieġ li tanalizza wkoll jekk il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament jenħtieġx li jiġi estiż għal servizzi li jaqgħu barra mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123/KE, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi partikolari ta' kull wieħed minn dawk is-servizzi.

(38)

Bl-għan li jiġi ffaċilitat l-infurzar effettiv tar-regoli stabbiliti f'dan ir-Regolament, il-mekkaniżmi sabiex tiġi żgurata l-kooperazzjoni transfruntiera bejn l-awtoritajiet kompetenti previsti fir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19) jenħtieġ li jkunu disponibbli wkoll fir-rigward ta' dawn ir-regoli. Madankollu, peress li r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 japplika biss fir-rigward tal-liġijiet li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi, dawk il-mekkaniżmi jenħtieġ li jkunu disponibbli biss meta l-klijent ikun konsumatur. Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 jiġi emendat skont dan. Minħabba li r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 huwa mħassar mir-Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20) b'effett mis-17 ta' Jannar 2020, jenħtieġ li dak ir-Regolament ukoll jiġi emendat sabiex tinżamm il-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi,

(39)

Sabiex tippermetti l-azzjonijiet għall-inġunzjonijiet immirati lejn il-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi fir-rigward tal-atti kontra dan ir-Regolament skont id-Direttiva 2009/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21), dik id-Direttiva jenħtieġ li tiġi emendata wkoll, sabiex tinkludi fl-Anness I tagħha referenza għal dan ir-Regolament. Il-konsumaturi jenħtieġ li jkunu mħeġġa wkoll biex jagħmlu użu tajjeb mill-mekkaniżmi għar-riżoluzzjoni ta' tilwim barra l-qorti fir-rigward tal-obbligi kuntrattwali li jirriżultaw minn kuntratti ta' bejgħ jew servizz online stabbiliti skont ir-Regolament (UE) Nru 524/2013.

(40)

In-negozjanti, l-awtoritajiet pubbliċi u l-partijiet interessati l-oħrajn jenħtieġ li jkollhom biżżejjed żmien biex jadattaw għad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u jiżguraw konformità magħhom.

(41)

Sabiex jintlaħaq l-għan li tiġi indirizzata b'mod effettiv id-diskriminazzjoni diretta jew indiretta abbażi tan-nazzjonalità, tal-post tar-residenza jew tal-post tal-istabbiliment tal-klijent, huwa xieraq li jiġi adottat Regolament, li japplika b'mod dirett fl-Istati Membri kollha. Dan huwa neċessarju sabiex tiġi ggarantita l-applikazzjoni uniformi tar-regoli dwar in-nondiskriminazzjoni madwar l-Unjoni u d-dħul fis-seħħ tagħhom fl-istess ħin. Regolament biss jiżgura l-grad ta' ċarezza, uniformità u ċertezza legali li hija meħtieġa sabiex il-klijenti jkunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ minn dawn ir-regoli.

(42)

Minħabba li l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni diretta u indiretta abbażi tan-nazzjonalità, tal-post tar-residenza jew tal-post tal-istabbiliment tal-klijenti, inkluż l-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat fi tranżazzjonijiet ma' negozjanti fi ħdan l-Unjoni, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, minħabba n-natura transfruntiera tal-problema u ċ-ċarezza insuffiċjenti tal-qafas legali eżistenti, iżda jista', minħabba l-iskala u l-effett potenzjali tiegħu fuq il-kummerċ fis-suq intern, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. B'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dak l-għan.

(43)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta. B'mod partikolari dan ir-Regolament għandu l-għan li jiżgura rispett sħiħ tal-Artikoli 11, 16, 17 u 38 tagħha,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Objettiv u kamp ta' applikazzjoni

1.   L-iskop ta' dan ir-Regolament huwa li jikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern billi jipprevjeni l-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat u forom oħrajn ta' diskriminazzjoni abbażi, b'mod dirett jew indirett, tan-nazzjonalità, tal-post tar-residenza jew tal-post tal-istabbiliment tal-klijenti, inkluż billi jiċċara iktar ċerti sitwazzjonijiet fejn it-trattament differenti ma jistax jiġi ġġustifikat skont l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2006/123/KE.

2.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal sitwazzjonijiet purament interni, fejn l-elementi rilevanti kollha tat-tranżazzjoni jkunu limitati għal Stat Membru wieħed.

3.   Dan ir-Regolament ma japplikax għall-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2006/123/KE.

4.   Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli għall-qasam tat-tassazzjoni.

5.   Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa r-regoli applikabbli fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati, b'mod partikolari r-regoli previsti fid-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22).

6.   Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Unjoni dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili. Il-konformità ma' dan ir-Regolament ma għandhiex tkun interpretata li timplika li n-negozjant jidderieġi l-attivitajiet lejn l-Istat Membru tar-residenza abitwali jew tad-domiċilju tal-konsumatur fit-tifsira tal-punt (b) tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 593/2008, u l-punt (c) tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012. B'mod partikolari, meta negozjant, li jaġixxi b'konformità mal-Artikoli 3, 4 u 5 ta' dan ir-Regolament, ma jimblukkax jew ma jillimitax l-aċċess tal-konsumaturi għall-interfaċċa online, ma jidderiġix mill-ġdid lill-konsumaturi lejn verżjoni tal-interfaċċa online abbażi tan-nazzjonalità jew tal-post tar-residenza tagħhom li tkun differenti mill-interfaċċa online li l-konsumaturi inizjalment aċċessaw, ma japplikax kundizzjonijiet ġenerali differenti ta' aċċess meta jbigħ prodotti jew jipprovdi servizzi f'sitwazzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament, jew jaċċetta strumenti ta' pagament maħruġa fi Stat Membru ieħor fuq bażi nondiskriminatorja, dak in-negozjant ma għandux jitqies, minħabba dawn ir-raġunijiet waħedhom, bħala li qed jidderieġi l-attivitajiet lejn l-Istat Membru fejn il-konsumatur għandu r-residenza abitwali jew id-domiċilju. Dak in-negozjant lanqas m'għandu, abbażi ta' dawk ir-raġunijiet biss, ikun ikkunsidrat bħala li qed jidderieġi l-attivitajiet lejn l-Istat Membru tar-residenza jew tad-domiċilju abitwali tal-konsumatur, meta n-negozjant jipprovdi informazzjoni u assistenza lill-konsumatur wara l-konklużjoni ta' kuntratt li rriżulta mill-konformità tan-negozjant ma' dan ir-Regolament.

7.   L-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2006/123/KE għandu japplika sa fejn dan ir-Regolament ma jistipulax dispożizzjonijiet aktar speċifiċi.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“servizzi pprovduti elettronikament” tfisser servizzi pprovduti fuq l-Internet jew netwerk elettroniku u li n-natura tagħhom trendi l-forniment tagħhom essenzjalment awtomatizzat u li jinvolvu intervent uman minimu, u jkun impossibbli li jiġu żgurati fin-nuqqas tat-teknoloġija tal-informazzjoni;

(2)

“tariffa tal-interkambju” tfisser tariffa tal-interkambju kif iddefinita fil-punt (10) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2015/751;

(3)

“strument ta' pagament bil-kards” tfisser strument ta' pagament bil-kards kif iddefinit fil-punt (20) tal--Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2015/751;

(4)

“ditta ta' pagament” tfisser ditta ta' pagament kif iddefinita fil-punt (30) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2015/751;

(5)

“tranżazzjoni ta' pagament” tfisser tranżazzjoni ta' pagament kif iddefinita fil-punt (5) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2015/2366;

(6)

“servizz ta' pagament” tfisser servizz ta' pagament kif iddefinit fil-punt (3) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2015/2366;

(7)

“fornitur ta' servizzi ta' pagament” tfisser fornitur ta' servizzi ta' pagament kif iddefinit fil-punt (11) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2015/2366;

(8)

“kont ta' pagament” tfisser kont ta' pagament kif iddefinit fil-punt (12) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2015/2366;

(9)

“strument ta' pagament” tfisser strument ta' pagament kif iddefinit fil-punt (14) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2015/2366;

(10)

“debitu dirett” tfisser debitu dirett kif iddefinit fil-punt (23) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2015/2366;

(11)

“trasferiment ta' kreditu” tfisser trasferiment ta' kreditu kif iddefinit fil-punt (24) tal- Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2015/2366;

(12)

“konsumatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika li qed taġixxi għal finijiet li ma għandhomx x'jaqsmu mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni tagħha;

(13)

“klijent” tfisser konsumatur li huwa ċittadin ta' Stat Membru jew li għandu l-post tar-residenza tiegħu fi Stat Membru, jew impriża li għandha l-post tal-istabbiliment tagħha fi Stat Membru, u jirċievu servizz jew jixtru prodott, jew jipprovaw jagħmlu hekk fi ħdan l-Unjoni bl-iskop biss ta' użu aħħari;

(14)

“kundizzjonijiet ġenerali ta' aċċess” tfisser it-termini, il-kundizzjonijiet u l-informazzjoni l-oħra kollha, inklużi l-prezzijiet tal-bejgħ netti, li jirregolaw l-aċċess tal-klijenti għall-prodotti u s-servizzi offruti għall-bejgħ minn negozjant, li huma stabbiliti, applikati u magħmula disponibbli għall-pubbliku inġenerali minn jew f'isem in-negozjant u li japplikaw fin-nuqqas ta' ftehim innegozjat b'mod individwali bejn in-negozjant u l-klijent;

(15)

“prodotti” tfisser kwalunkwe oġġett tanġibbli u mobbli, bl-eċċezzjoni ta' oġġetti mibjugħa permezz tal-eżekuzzjoni jew mod ieħor bl-awtorità tal-liġi;

(16)

“interfaċċa online” tfisser kwalunkwe softwer, inklużi siti web jew parti minnhom u applikazzjonijiet, inklużi applikazzjonijiet tal-mobile, imħaddma minn jew f'isem negozjant, li għandu r-rwol li jagħti aċċess għall-prodotti jew għas-servizzi tan-negozjant lill-klijenti bl-għan li jidħlu fi tranżazzjoni fir-rigward ta' dawk il-prodotti u s-servizzi;

(17)

“servizz” tfisser kwalunkwe attività ekonomika b'impjieg indipendenti, li normalment tkun ipprovduta għar-remunerazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 57 TFUE;

(18)

“negozjant” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, irrispettivament minn jekk għandhiex sjieda privata jew pubblika, li qed taġixxi, inkluż permezz ta' kwalunkwe persuna oħra f'isem in-negozjat jew għan-nom tan-negozjant, għal skopijiet relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni tan-negozjant.

Artikolu 3

Aċċess għal interfaċċi online

1.   In-negozjanti ma għandhomx, bl-użu ta' miżuri teknoloġiċi jew b'xi mod ieħor, jimblukkaw jew jillimitaw l-aċċess ta' klijent għall-interfaċċi online tan-negozjanti għal raġunijiet relatati man-nazzjonalità, mal-post tar-residenza jew mal-post tal-istabbiliment tal-klijent.

2.   In-negozjanti ma għandhomx, għal raġunijiet relatati man-nazzjonalità, mal-post tar-residenza jew mal-post tal-istabbiliment tal-klijent, jidderieġu lil dak il-klijent lejn verżjoni tal-interfaċċa online tan-negozjanti li tkun differenti mill-interfaċċa online li l-klijent inizjalment ried jaċċessa, bis-saħħa tat-tqassim tagħha, bl-użu tal-lingwa jew b'karatteristiċi oħrajn li jagħmluha speċifika għal klijenti ta' nazzjonalità, ta' post tar-residenza jew ta' post tal-istabbiliment partikolari, sakemm il-klijent ma jkunx ta espliċitament il-kunsens għal tali ridirezzjonar.

F'każ li jseħħ dan ir-ridirezzjonar bil-kunsens espliċitu tal-klijent, il-verżjoni tal-interfaċċa online tan-negozjant, li l-klijent inizjalment ried jaċċessa, għandha tibqa' aċċessibbli b'mod faċli għal dak il-klijent.

3.   Il-projbizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw meta l-imblukkar jew il-limitazzjoni tal-aċċess, jew ir-ridirezzjonar ikunu meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-konformità ma' rekwiżit legali stipulati fid-dritt tal-Unjoni, jew fil-liġijiet ta' Stat Membru skont id-dritt tal-Unjoni, li l-attivitajiet tan-negozjant ikunu soġġetti għalihom.

F'tali każijiet, in-negozjant għandu jipprovdi spjegazzjoni ċara u speċifika lill-klijenti dwar ir-raġunijiet għalfejn l-imblukkar, jew il-limitazzjoni tal-aċċess, jew ir-ridirezzjonar ikunu meħtieġa sabiex jiżguraw din il-konformità. Dik l-ispjegazzjoni għandha tingħata bil-lingwa tal-interfaċċa online li l-klijent inizjalment ried jaċċessa.

Artikolu 4

Aċċess għall-prodotti u s-servizzi

1.   Negozjant ma għandux japplika kundizzjonijiet ġenerali differenti ta' aċċess għall-prodotti u s-servizzi, minħabba raġunijiet relatati man-nazzjonalità, mal-post tar-residenza, jew mal-lokazzjoni temporanja tal-klijent, meta l-klijent ikun jixtieq:

(a)

jixtri prodotti minn negozjant u jew dawk il-prodotti jiġu konsenjati lejn post fi Stat Membru li għalih in-negozjant joffri konsenja fil-kundizzjonijiet ġenerali ta' aċċess jew dawk il-prodotti jinġabru f'post miftiehem bejn in-negozjant u l-klijent fi Stat Membru li fih in-negozjant joffri din l-għażla fil-kundizzjonijiet ġenerali ta' aċċess;

(b)

jirċievi servizzi forniti b'mod elettroniku minn negozjant, għajr servizzi li l-karatteristika prinċipali tagħhom tkun l-għoti ta' aċċess għal u l-użu ta' xogħlijiet protetti bid-dritt tal-awtur jew materjal protett ieħor, inkluż il-bejgħ ta' xogħlijiet protetti bid-dritt tal-awtur jew materjal protett f'forma intanġibbli;

(c)

jirċievi servizzi minn negozjant, għajr servizzi forniti elettronikament, f'post fiżiku fit-territorju ta' Stat Membru li fih jopera n-negozjant.

2.   Il-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 ma għandhiex tipprevjeni lin-negozjanti milli joffru kundizzjonijiet ġenerali ta' aċċess, inklużi l-prezzijiet tal-bejgħ netti, li jvarjaw bejn l-Istati Membri jew fi ħdan Stat Membru, u jkunu offruti lil klijenti f'territorju speċifiku jew lil gruppi speċifiċi ta' klijenti fuq bażi nondiskriminatorja.

3.   Is-sempliċi konformità mal-projbizzjoni stipulata fil-paragrafu 1, fiha nnifisha, ma tfissirx li n-negozjant għandu l-obbligu li jikkonforma mar-rekwiżiti legali nazzjonali mhux kuntrattwali li jirrigwardaw il-prodotti u s-servizzi rispettivi tal-Istat Membru tal-klijent, jew li jinforma lill-klijenti dwar dawn ir-rekwiżiti.

4.   Il-projbizzjoni stipulata fil-punt (b) tal-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika għal negozjanti li huma eżentati mill-VAT abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 1 tat-Titolu XII tad-Direttiva 2006/112/KE.

5.   Il-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika jekk dispożizzjoni speċifika stabbilita fid-dritt tal-Unjoni jew fil-liġijiet tal-Istati Membri skont id-dritt tal-Unjoni tipprevjeni lin-negozjant milli jbigħ il-prodotti jew milli jipprovdi s-servizzi lil ċerti klijenti jew lil klijenti f'ċerti territorji.

Fir-rigward tal-bejgħ tal-kotba, il-projbizzjoni stipulata fil-paragrafu 1 ma għandhiex tipprekludi lin-negozjanti milli japplikaw prezzijiet differenti lill-klijenti f'ċerti territorji jekk dawn ikunu obbligati jagħmlu hekk bil-liġijiet tal-Istati Membri skont id-dritt tal-Unjoni.

Artikolu 5

Nondiskriminazzjoni minħabba raġunijiet relatati mal-pagament

1.   In-negozjant ma għandux, fi ħdan il-medda ta' mezzi ta' pagament aċċettati minn negozjant, japplika, minħabba raġunijiet relatati man-nazzjonalità, mal-post tar-residenza jew mal-post tal-istabbiliment tal-klijent, mal-post tal-kont ta' pagament, mal-post tal-istabbiliment tal-fornitur tas-servizzi ta' pagament jew mal-post tal-ħruġ tal-istrument ta' pagament fi ħdan l-Unjoni, kundizzjonijiet differenti għal tranżazzjoni ta' pagament, meta:

(a)

it-tranżazzjoni ta' pagament issir permezz ta' tranżazzjoni elettronika bi trasferiment tal-kreditu, b'debitu dirett jew bi strument ta' pagament bil-kards fl-istess ditta u kategorija tal-pagamenti;

(b)

ir-rekwiżiti ta' awtentikazzjoni huma ssodisfati skont id-Direttiva (UE) 2015/2366; u

(c)

it-tranżazzjonijiet ta' pagament ikunu f'munita li n-negozjant jaċċetta.

2.   Meta jkun ġustifikat b'raġunijiet oġġettivi, il-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 ma għandhiex tipprevjeni lin-negozjant milli jżomm il-konsenja tal-prodotti jew l-għoti tas-servizz, sakemm in-negozjant ikun irċieva l-konferma li t-tranżazzjoni ta' pagament tkun inbdiet kif adatt.

3.   Il-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 ma għandhiex tipprevjeni lin-negozjant milli jitolb ħlasijiet għall-użu ta' strument ta' pagament bil-kards li għalih it-tariffi tal-interkambju mhumiex regolati skont il-Kapitolu II tar-Regolament (UE) 2015/751 u għal dawk is-servizzi ta' pagament li għalihom ma japplikax ir-Regolament (UE) Nru 260/2012, sakemm il-projbizzjoni jew il-limitazzjoni tad-dritt li jintalbu ħlasijiet għall-użu tal-istrumenti ta' pagament, f'konformità mal-Artikolu 62(5) tad-Direttiva (UE) 2015/2366, ma tkunx ġiet introdotta fil-liġi tal-Istat Membru li għaliha hija soġġetta l-operazzjoni tan-negozjant. Dawn il-pagamenti ma għandhomx jaqżbu l-ispejjeż diretti mġarrba min-negozjant għall-użu tal-istrument ta' pagament.

Artikolu 6

Ftehimiet dwar bejgħ passiv

1.   Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) Nru 330/2010 u l-Artikolu 101 TFUE, dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-ftehimiet li jirrestrinġu l-bejgħ attiv skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 330/2010 u lanqas dawk il-ftehimiet li jirrestrinġu l-bejgħ passiv skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 330/2010 li jirrigwardaw tranżazzjonijiet li ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni tal-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 3, 4 u 5 ta' dan ir-Regolament.

2.   Id-dispożizzjonijiet ta' ftehimiet li jimponu obbligi fuq in-negozjanti, fir-rigward tal-bejgħ passiv fit-tifsira tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 330/2010, biex jaġixxu bi ksur tal-projbizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 3, 4 u 5 ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu b'mod awtomatiku nulli.

Artikolu 7

Infurzar

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar korp wieħed jew aktar biex ikunu responsabbli għall-infurzar adegwat u effettiv ta' dan ir-Regolament.

2.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli li jistipulaw il-miżuri applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u għandhom jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-miżuri previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

3.   Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni u jkunu magħmula disponibbli pubblikament fuq is-sit web tal-Kummissjoni.

Artikolu 8

Assistenza għall-konsumaturi

Kull Stat Membru għandu jaħtar korp wieħed jew aktar biex ikunu responsabbli għall-għoti ta' assistenza prattika lill-konsumaturi fil-każ ta' tilwim bejn konsumatur u negozjant li jirriżulta mill-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 9

Klawsola ta' reviżjoni

1.   Sat-23 ta' Marzu 2020 u kull ħames snin minn hemm 'il quddiem, il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-evalwazzjoni ta' dan ir-Regolament lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Meta tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha tqis l-impatt ġenerali tar-Regolament dwar is-suq intern u l-kummerċ elettroniku transfruntier, inkluż b'mod partikolari, il-piż amministrattiv u finanzjarju addizzjonali potenzjali għan-negozjanti li jirriżulta mill-eżistenza ta' reġimi regolatorji differenti tal-liġi kuntrattwali tal-konsumatur applikabbli. Fejn meħtieġ, dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposta biex jiġi emendat dan ir-Regolament, fid-dawl tal-iżviluppi legali, tekniċi u ekonomiċi.

2.   L-ewwel evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha ssir, b'mod partikolari, bil-ħsieb li jiġi evalwat kemm il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament kif ukoll il-livell tal-projbizzjoni stipulata fil-punt (b) tal-Artikolu 4(1) u jekk dan ir-Regolament għandux japplika wkoll għal servizzi forniti elettronikament li l-karatteristika prinċipali tagħhom tkun l-għoti ta' aċċess għal u l-użu ta' xogħlijiet protetti bid-dritt tal-awtur jew suġġetti oħrajn protetti, inkluż il-bejgħ ta' xogħlijiet protetti bid-dritt tal-awtur jew materja protetta f'forma intanġibbli dejjem jekk in-negozjant ikollu d-drittijiet meħtieġa għat-territorji rilevanti.

Artikolu 10

Emendi għar-Regolamenti (KE) Nru 2006/2004 u (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE

1.   Fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 2006/2004, jiżdied il-punt li ġej:

“22.

Regolament (UE) 2018/302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Frar 2018 dwar l-indirizzar tal-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat u forom oħrajn ta' diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, tal-post tar-residenza jew tal-post tal-istabbiliment tal-klijenti fi ħdan is-suq intern u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2006/2004 u (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE (ĠU L 60 I, 2.3.2018, p. 1), biss meta l-klijent ikun konsumatur kif definit fil-punt (12) tal-Artikolu 2 ta' dak ir-Regolament.”

2.   Fl-Anness għar-Regolament (UE) 2017/2394, jiżdied il-punt li ġej:

“27.

Regolament (UE) 2018/302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Frar 2018 dwar l-indirizzar tal-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat u forom oħrajn ta' diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, tal-post tar-residenza jew tal-post tal-istabbiliment tal-klijenti fi ħdan is-suq intern u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2006/2004 u (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE (ĠU L 60 I, 2.3.2018, p. 1), biss meta l-klijent ikun konsumatur kif definit fil-punt (12) tal-Artikolu 2 ta' dak ir-Regolament.”

3.   Fl-Anness I għad-Direttiva 2009/22/KE, jiżdied il-punt li ġej:

“16.

Regolament (UE) 2018/302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Frar 2018 dwar l-indirizzar tal-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat u forom oħrajn ta' diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, tal-post tar-residenza jew tal-post tal-istabbiliment tal-klijenti fi ħdan is-suq intern u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2006/2004 u (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE (ĠU L 60 I, 2.3.2018, p. 1).”.

Artikolu 11

Dispożizzjonijiet finali

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mit-3 ta' Diċembru 2018.

2.   Madanakollu, l-Artikolu 6 għandu japplika għal dispożizzjonijiet ta' ftehimiet konklużi qabel it-2 ta' Marzu 2018 li huma konformi mal-Artikolu 101 TFUE u ma' kwalunkwe regola ekwivalenti tal-liġi nazzjonali tal-kompetizzjoni mit-23 ta' Marzu 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Frar 2018.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

L. PAVLOVA

Għall-Kunsill

Il-President

A. TAJANI


(1)  ĠU C 34, 2.2.2017, p. 93.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Frar 2018 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Frar 2018.

(3)  Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36).

(4)  Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta' servizzi tal-ajru fil-Komunità (ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3).

(5)  Regolament (UE) Nru 1177/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw bil-baħar jew minn passaġġi fuq l-ilma interni u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 1).

(6)  Regolament (UE) Nru 181/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 1).

(7)  Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar id-Drittijiet u l-Obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 14).

(8)  Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU L 177, 4.7.2008, p. 6).

(9)  Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (riformulazzjoni) (ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1).

(10)  Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).

(11)  Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 tal-15 ta' Marzu 2011 li jistabbilixxi miżuri ta' implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 77, 23.3.2011, p. 1).

(12)  Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta' oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom (ĠU L 171, 7.7.1999, p. 12).

(13)  Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64).

(14)  Regolament (UE) 2015/751 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 dwar it-tariffi tal-interkambju għat-transazzjonijiet ta' pagament permezz ta' kard (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 1).

(15)  Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar is-servizzi ta' pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35).

(16)  Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u tan-negozju għat-trasferimenti ta' kreditu u debiti diretti bl-euro u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009 (ĠU L 94, 30.3.2012, p. 22).

(17)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 330/2010 tal-20 ta' April 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta' akkordji vertikali u prattiċi miftiehma (ĠU L 102, 23.4.2010, p. 1).

(18)  Regolament (UE) Nru 524/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni online għal tilwim mal-konsumaturi u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (Regolament dwar l-ODR tal-konsumaturi) (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 1).

(19)  Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (ir-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi) (ĠU L 364, 9.12.2004, p. 1).

(20)  Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU L 345, 27.12.2017, p. 1).

(21)  Direttiva 2009/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi (ĠU L 110, 1.5.2009, p. 30).

(22)  Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10).


Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

Il-Kummissjoni tieħu nota tat-test tal-Artikolu 9 maqbul bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

Mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' inizjattiva tagħha skont it-Trattat, f'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tixtieq tafferma li, f'konformità mal-Artikolu 9, l-ewwel evalwazzjoni tagħha ta' dan ir-Regolament, li għandha ssir fi żmien sentejn wara d-data li fiha r-Regolament jidħol fis-seħħ, sejra tevalwa bir-reqqa l-mod kif ir-Regolament ikun ġie implimentat u kif ikun ikkontribwixxa għall-funzjonament effikaċi tas-suq intern. Waqt li tagħmel dan, sejra tqis l-aspettattivi dejjem jikbru tal-konsumaturi, speċjalment ta' dawk li m'għandhomx aċċess għal servizzi protetti mid-drittijiet tal-awtur.

Bħala parti mill-evalwazzjoni, sejra twettaq ukoll analiżi sostantiva dwar il-fattibilità u l-kosti u l-benefiċċji potenzjali li jirriżultaw minn kwalunkwe tibdil fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament, b'mod partikolari rigward it-tħassir possibbli mill-Artikolu 4(1)(b) tal-esklużjoni ta' servizzi forniti b'mod elettroniku li l-karatteristika prinċipali tagħhom tkun li jipprovdu aċċess għal, jew l-użu ta', xogħlijiet protetti bid-dritt tal-awtur jew materjal protett ieħor fejn in-negozjant għandu d-drittijiet meħtieġa għat-territorji rilevanti, filwaqt li tikkunsidra debitament l-impatti probabbli ta' kwalunkwe estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament fuq il-konsumaturi u n-negozji, u fuq is-setturi kkonċernati, madwar l-Unjoni Ewropea kollha kemm hi. Il-Kummissjoni sejra wkoll tanalizza bir-reqqa jekk f'setturi oħra, inklużi dawk li mhumiex koperti mid-Direttiva 2006/123/KE u li huma wkoll esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament skont l-Artikolu 1(3) tiegħu, bħalma huma servizzi fil-qasam tat-trasport u servizzi awdjoviżivi, għandhiex tiġi eliminata kwalunkwe restrizzjoni mhux ġustifikata abbażi tan-nazzjonalità, il-post ta' residenza jew il-post ta' stabbiliment.

Jekk il-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tagħha tikkonkludi li l-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament jeħtieġ li jiġi emendat, il-Kummissjoni sejra takkumpanja l-evalwazzjoni bi proposta leġiżlattiva.