ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 10

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 61
13ta' Jannar 2018


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/53 tat-12 ta' Jannar 2018 li jimplimenta r-Regolament (UE) 2017/1509 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea

1

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/54 tal-4 ta' Diċembru 2017 li jistabbilixxi projbizzjoni fuq is-sajd tal-merlangu fiż-żona VIII minn bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Belġju

3

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/55 tad-9 ta' Jannar 2018 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1998 f'dak li għandu x'jaqsam maż-żieda tar-Repubblika ta' Singapore mal-pajjiżi terzi rrikonoxxuti bħala pajjiżi li japplikaw standards tas-sigurtà li huma ekwivalenti għall-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili ( 1 )

5

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/56 tat-12 ta' Jannar 2018 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni ta' kontijiet, ir-regoli dwar kontrolli, garanziji u trasparenza

9

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (PESK) 2018/57 tad-9 ta' Jannar 2018 li testendi l-mandat tal-Kap tal-Missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fil-Mali (EUCAP Sahel Mali) (EUCAP Sahel Mali/1/2018)

14

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/58 tat-12 ta' Jannar 2018 li timplimenta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea

15

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/59 tal-11 ta' Jannar 2018 li temenda d-Deċiżjoni 2009/300/KE rigward il-kontenut, u l-perjodu ta' validità, tal-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għat-televiżjonijiet (notifikata bid-dokument C(2018) 6)  ( 1 )

17

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/60 tat-12 ta' Jannar 2018 li tikkonċerna ċerti miżuri interim ta' protezzjoni marbuta mad-deni Afrikan tal-ħnieżer fir-Rumanija (notifikata bid-dokument C(2018) 219)  ( 1 )

20

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

13.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 10/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/53

tat-12 ta' Jannar 2018

li jimplimenta r-Regolament (UE) 2017/1509 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1509 tat-30 ta' Awwissu 2017 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 329/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 47(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-30 ta' Awwissu 2017, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2017/1509.

(2)

Fit-28 ta' Diċembru 2017, il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (“KSNU”) stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni 1718 (2006) tal-KSNU iddeżinja erba' bastimenti bis-saħħa tal-paragrafu 6 tar-Riżoluzzjoni 2375 (2017) tal-KSNU.

(3)

Għalhekk jenħtieġ li l-Anness XIV għar-Regolament (UE) 2017/1509 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness XIV għar-Regolament (UE) 2017/1509 huwa emendat kif indikat fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Jannar 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

E. KRALEVA


(1)  ĠU L 224, 31.8.2017, p. 1.


ANNESS

Il-bastimenti li ġejjin jiżdiedu mal-lista ta' bastimenti soġġetti għal miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness XIV għar-Regolament (UE) 2017/1509:

“5.

Isem: BILLIONS NO. 18

Informazzjoni addizzjonali

OMI: 9191773

6.

Isem: UL JI BONG 6

Informazzjoni addizzjonali

OMI: 9114555

7.

Isem: RUNG RA 2

Informazzjoni addizzjonali

OMI: 9020534

8.

Isem: RYE SONG GANG 1

Informazzjoni addizzjonali

OMI: 7389704”.


13.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 10/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/54

tal-4 ta' Diċembru 2017

li jistabbilixxi projbizzjoni fuq is-sajd tal-merlangu fiż-żona VIII minn bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Belġju

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 36(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/127 (2) jistabbilixxi l-kwoti għall-2017.

(2)

Skont l-informazzjoni li waslet għand il-Kummissjoni, il-qabdiet li saru tal-istokk imsemmi fl-Anness ta' dan ir-Regolament, minn bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Istat Membru msemmi hemmhekk jew irreġistrati fih, eżawrew il-kwota allokata lilhom għall-2017.

(3)

Għalhekk, jeħtieġ li jiġu pprojbiti l-attivitajiet tas-sajd għal dak l-istokk,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Eżawriment tal-kwota

Il-kwota tas-sajd allokata lill-Istat Membru msemmi fl-Anness ta' dan ir-Regolament għall-istokk imsemmi hemmhekk għall-2017 għandha titqies eżawrita mid-data stipulata f'dak l-Anness.

Artikolu 2

Projbizzjonijiet

L-attivitajiet tas-sajd għall-istokk imsemmi fl-Anness ta' dan ir-Regolament minn bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Istat Membru msemmi fl-Anness jew li huma rreġistrati f'dan l-Istat Membru għandhom jiġu pprojbiti mid-data stipulata f'dak l-Anness. B'mod partikolari, wara dik id-data għandu jkun ipprojbit li l-ħut ta' dak l-istokk li jinqabad minn dawk il-bastimenti jinżamm abbord, jiġi rilokat, jiġi trażbordat jew jinħatt l-art.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Diċembru 2017.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

João AGUIAR MACHADO

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/127 tal-20 ta' Jannar 2017 li jistabbilixxi għall-2017 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u ċerti gruppi ta' stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f'ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni (ĠU L 24, 28.1.2017, p. 1).


ANNESS

Nru

28/TQ127

Stat Membru

Il-Belġju

Stokk

WHG/08.

Speċi

Merlangu (Merlangius merlangus)

Żona

VIII

Data tal-għeluq

10.10.2017


13.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 10/5


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/55

tad-9 ta' Jannar 2018

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1998 f'dak li għandu x'jaqsam maż-żieda tar-Repubblika ta' Singapore mal-pajjiżi terzi rrikonoxxuti bħala pajjiżi li japplikaw standards tas-sigurtà li huma ekwivalenti għall-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2008 dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 4(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1998 (2) jelenka l-pajjiżi terzi rrikonoxxuti bħala pajjiżi li japplikaw standards tas-sigurtà li huma ekwivalenti għall-istandards bażiċi komuni sabiex l-avjazzjoni ċivili tiġi ssalvagwardjata minn atti ta' interferenza mhux skont il-liġi li jipperikolaw is-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili.

(2)

Il-Kummissjoni vverifikat ukoll li r-Repubblika ta' Singapore tissodisfa l-kriterji għar-rikonoxximent tal-ekwivalenza ta' standards tas-sigurtà ta' pajjiżi terzi stabbiliti fit-Taqsima E tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 272/2009 (3).

(3)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1998 jiġi emendat kif xieraq.

(4)

Jenħtieġ li jiġi previst perjodu xieraq taż-żmien qabel ma jibda japplika dan ir-Regolament minħabba li jista' jkun hemm bżonn li jsir xi tibdil fl-operat jew fl-infrastruttura tal-ajruporti, jew fit-tnejn li huma.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1998 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mis-6 ta' Frar 2018 'il quddiem.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Jannar 2018.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Violeta BULC

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 97, 9.4.2008, p. 72.

(2)  ĠU L 299, 14.11.2015, p. 1.

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 272/2009 tat-2 ta' April 2009 li jissupplimenta l-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili stabbiliti fl-Anness tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 300/2008 (ĠU L 91, 3.4.2009, p. 7).


ANNESS

L-Anness għar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1998 huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-Kapitolu 3, id-Dokument Mehmuż 3-B huwa sostitwit b'dan li ġej:

“ID-DOKUMENT MEHMUŻ 3-B

SIGURTÀ TAL-INĠENJI TAL-AJRU

PAJJIŻI TERZI, KIF UKOLL PAJJIŻI U TERRITORJI OĦRA LI FIHOM, F'KONFORMITÀ MAL-ARTIKOLU 355 TAT-TRATTAT DWAR IL-FUNZJONAMENT TAL-UNJONI EWROPEA, MA JAPPLIKAX IT-TITOLU VI TAL-PARTI TLIETA TA' DAK IT-TRATTAT, LI HUMA RRIKONOXXUTI BĦALA PAJJIŻI U TERRITORJI LI JAPPLIKAW STANDARDS TAS-SIGURTÀ LI HUMA EKWIVALENTI GĦALL-ISTANDARDS BAŻIĊI KOMUNI DWAR IS-SIGURTÀ TAL-AVJAZZJONI ĊIVILI

Fir-rigward tas-sigurtà tal-inġenji tal-ajru, il-pajjiżi terzi li ġejjin, kif ukoll pajjiżi u territorji oħra li fihom, f'konformità mal-Artikolu 355 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ma japplikax it-Titolu VI tal-Parti Tlieta ta' dak it-Trattat, ġew irrikonoxxuti bħala pajjiżi u territorji li japplikaw standards tas-sigurtà li huma ekwivalenti għall-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili:

 

Il-Kanada

 

Il-Gżejjer Faeroe, fir-rigward tal-ajruport Vagar

 

Greenland, fir-rigward tal-ajruport Kangerlussuaq

 

Guernsey

 

Isle of Man

 

Jersey

 

Il-Montenegro

 

Ir-Repubblika ta' Singapore, fir-rigward tal-ajruport Singapore Changi

 

L-Istati Uniti tal-Amerka

Il-Kummissjoni għandha tinnotifika minnufih lill-awtoritajiet ix-xierqa tal-Istati Membri jekk ikollha xi tagħrif li jindika li l-istandards tas-sigurtà applikati mill-pajjiż terz jew minn pajjiż jew territorju ieħor ikkonċernat li jkollhom impatt sinifikanti fuq il-livelli ġenerali tas-sigurtà tal-avjazzjoni fl-Unjoni mhumiex iktar ekwivalenti għall-istandards bażiċi komuni tal-Unjoni.

L-awtoritajiet ix-xierqa tal-Istati Membri għandhom jiġu nnotifikati mingħajr dewmien meta l-Kummissjoni jkollha tagħrif dwar azzjonijiet, inklużi miżuri ta' kumpens, li jikkonfermaw li l-ekwivalenza tal-istandards rilevanti tas-sigurtà applikati mill-pajjiż terz jew mill-pajjiż jew mit-territorju l-ieħor ikkonċernat ġiet stabbilita mill-ġdid.”;

(2)

fil-Kapitolu 4, id-Dokument Mehmuż 4-B huwa sostitwit b'dan li ġej:

“ID-DOKUMENT MEHMUŻ 4-B

PASSIĠĠIERI U BAGALJI TAL-KABINA

PAJJIŻI TERZI, KIF UKOLL PAJJIŻI U TERRITORJI OĦRA LI FIHOM, F'KONFORMITÀ MAL-ARTIKOLU 355 TAT-TRATTAT DWAR IL-FUNZJONAMENT TAL-UNJONI EWROPEA, MA JAPPLIKAX IT-TITOLU VI TAL-PARTI TLIETA TA' DAK IT-TRATTAT, LI HUMA RRIKONOXXUTI BĦALA PAJJIŻI U TERRITORJI LI JAPPLIKAW STANDARDS TAS-SIGURTÀ LI HUMA EKWIVALENTI GĦALL-ISTANDARDS BAŻIĊI KOMUNI DWAR IS-SIGURTÀ TAL-AVJAZZJONI ĊIVILI

Fir-rigward tal-passiġġieri u tal-bagalji tal-kabina, il-pajjiżi terzi li ġejjin, kif ukoll pajjiżi u territorji oħra li fihom, f'konformità mal-Artikolu 355 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ma japplikax it-Titolu VI tal-Parti Tlieta ta' dak it-Trattat, ġew irrikonoxxuti bħala pajjiżi u territorji li japplikaw standards tas-sigurtà li huma ekwivalenti għall-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili:

 

Il-Kanada

 

Il-Gżejjer Faeroe, fir-rigward tal-ajruport Vagar

 

Greenland, fir-rigward tal-ajruport Kangerlussuaq

 

Guernsey

 

Isle of Man

 

Jersey

 

Il-Montenegro

 

Ir-Repubblika ta' Singapore, fir-rigward tal-ajruport Singapore Changi

 

L-Istati Uniti tal-Amerka

Il-Kummissjoni għandha tinnotifika mingħajr dewmien lill-awtoritajiet ix-xierqa tal-Istati Membri jekk ikollha xi tagħrif li jindika li l-istandards tas-sigurtà applikati mill-pajjiż terz jew minn pajjiż jew territorju ieħor ikkonċernat li jkollhom impatt sinifikanti fuq il-livelli ġenerali tas-sigurtà tal-avjazzjoni fl-Unjoni mhumiex iktar ekwivalenti għall-istandards bażiċi komuni tal-Unjoni.

L-awtoritajiet ix-xierqa tal-Istati Membri għandhom jiġu nnotifikati mingħajr dewmien meta l-Kummissjoni jkollha tagħrif dwar azzjonijiet, inklużi miżuri ta' kumpens, li jikkonfermaw li l-ekwivalenza tal-istandards rilevanti tas-sigurtà applikati mill-pajjiż terz jew mill-pajjiż jew mit-territorju l-ieħor ikkonċernat ġiet stabbilita mill-ġdid.”;

(3)

fil-Kapitolu 5, id-Dokument Mehmuż 5-A huwa sostitwit b'dan li ġej:

“ID-DOKUMENT MEHMUŻ 5-A

BAGALJI TAL-ISTIVA

PAJJIŻI TERZI, KIF UKOLL PAJJIŻI U TERRITORJI OĦRA LI FIHOM, F'KONFORMITÀ MAL-ARTIKOLU 355 TAT-TRATTAT DWAR IL-FUNZJONAMENT TAL-UNJONI EWROPEA, MA JAPPLIKAX IT-TITOLU VI TAL-PARTI TLIETA TA' DAK IT-TRATTAT, LI HUMA RRIKONOXXUTI BĦALA PAJJIŻI U TERRITORJI LI JAPPLIKAW STANDARDS TAS-SIGURTÀ LI HUMA EKWIVALENTI GĦALL-ISTANDARDS BAŻIĊI KOMUNI DWAR IS-SIGURTÀ TAL-AVJAZZJONI ĊIVILI

Fir-rigward tal-bagalji tal-istiva, il-pajjiżi terzi li ġejjin, kif ukoll pajjiżi u territorji oħra li fihom, f'konformità mal-Artikolu 355 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ma japplikax it-Titolu VI tal-Parti Tlieta ta' dak it-Trattat, ġew irrikonoxxuti bħala pajjiżi u territorji li japplikaw standards tas-sigurtà li huma ekwivalenti għall-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili:

 

Il-Kanada

 

Il-Gżejjer Faeroe, fir-rigward tal-ajruport Vagar

 

Greenland, fir-rigward tal-ajruport Kangerlussuaq

 

Guernsey

 

Isle of Man

 

Jersey

 

Il-Montenegro

 

Ir-Repubblika ta' Singapore, fir-rigward tal-ajruport Singapore Changi

 

L-Istati Uniti tal-Amerka

Il-Kummissjoni għandha tinnotifika mingħajr dewmien lill-awtoritajiet ix-xierqa tal-Istati Membri jekk ikollha xi tagħrif li jindika li l-istandards tas-sigurtà applikati mill-pajjiż terz jew minn pajjiż jew territorju ieħor ikkonċernat li jkollhom impatt sinifikanti fuq il-livelli ġenerali tas-sigurtà tal-avjazzjoni fl-Unjoni mhumiex iktar ekwivalenti għall-istandards bażiċi komuni tal-Unjoni.

L-awtoritajiet ix-xierqa tal-Istati Membri għandhom jiġu nnotifikati mingħajr dewmien meta l-Kummissjoni jkollha tagħrif dwar azzjonijiet, inklużi miżuri ta' kumpens, li jikkonfermaw li l-ekwivalenza tal-istandards rilevanti tas-sigurtà applikati mill-pajjiż terz jew mill-pajjiż jew mit-territorju l-ieħor ikkonċernat ġiet stabbilita mill-ġdid.”.


13.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 10/9


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/56

tat-12 ta' Jannar 2018

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni ta' kontijiet, ir-regoli dwar kontrolli, garanziji u trasparenza

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 9(2), 36(6), 53(1) u 57(2) u l-Artikoli 104 u 114 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 (2), il-korp taċ-ċertifikazzjoni jista' juża approċċ integrat tal-kampjunar meta jwettaq l-ittestjar sostantiv tan-nefqa. Wara l-ewwel sentejn esperjenza bl-applikazzjoni ta' dak l-Artikolu, jixraq li jiġi ċċarat xi tfisser approċċ integrat tal-kampjunar meta jitfittxu l-għanijiet differenti tal-awditjar kif imsemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

(2)

L-Artikolu 41 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistipula l-limitu għal kull dikjarazzjoni tan-nefqa tal-aġenziji tal-pagamenti li jkun fiha talbiet għall-pagament marbutin ma' strumenti finanzjarji għal massimu ta' 25 % tal-ammont totali tal-kontribuzzjonijiet tal-programmi impenjati għall-istrument finanzjarju. L-Artikolu 22(1)(a) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014 jipprevedi li d-dikjarazzjoni trimestrali għandha tispeċifika l-ammont tan-nefqa pubblika eliġibbli li fil-fatt tħallset mill-aġenzija tal-pagamenti matul kull trimestru, skont il-paragrafu 2 tal-istess Artikolu. L-ammonti mħallsin mill-aġenzija tal-pagamenti fil-qafas tal-istrumenti finanzjarji għandhom jiġu ddikjarati lill-Kummissjoni b'rispett tal-limitu ta' 25 %, u dejjem jekk ikun intlaħaq it-tragward sinifikanti ta' implimentazzjoni korrispondenti. L-ewwel dikjarazzjoni lill-Kummissjoni li tirrispetta l-limitu ta' 25 % għandha tibda mill-firma tal-ftehim ta' finanzjament u l-pagament sussegwenti lill-istrument finanzjarju. Il-pagamenti parzjali sussegwenti għandhom jiġu ddikjarati lill-Kummissjoni malli tintlaħaq ir-rata korrispondenti tal-iżborżament, skont l-Artikolu 41 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013. Fil-każ tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), dan ifisser li l-aġenziji tal-pagamenti tista' tiddikjara biss 25 % tal-kontribuzzjoni totali ppjanata għal kull trimestru. Għaldaqstant, jidher li r-regoli stipulati fl-Artikolu 22(1) u (2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014 mhumiex xierqa għall-mod ta' kif l-istrumenti finanzjarji għandhom jiġu ġġestiti bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, u jeħtieġ li jiġu emendati kif xieraq.

(3)

Sabiex jitħaffef il-piż amministrattiv fuq l-Istati Membri meta jfittxu l-irkupri, l-esperjenza turi li għandu jiġi stabbilit limitu li lil minnu ma jsirx irkupru tal-imgħax.

(4)

L-Artikolu 30(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014 jipprevedi li d-dokumenti u l-informazzjoni dwar il-kontabbiltà użati għall-approvazzjoni tal-kontijiet għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni f'forma stampata flimkien ma' kopja elettronika. Sabiex jitħaffef il-piż amministrattiv fuq l-Istati Membri u l-Kummissjoni, u sabiex tiġi ssemplifikata l-analiżi tad-dokumenti u jittaffa r-riskju ta' inkonsistenzi fid-dejta użata, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu mitluba jressqu dokumenti elettroniċi biss, bl-użu tal-firma elettronika. Dan ir-rekwiżit jenħtieġ li jiġi rifless ukoll fit-test tad-dikjarazzjoni amministrattiva stipulat fl-Anness I ta' dan ir-Regolament ta' Implimentazzjoni. Sabiex jiġi evitat dewmien fit-trażmissjoni tad-dokumenti f'każ ta' diffikultajiet tekniċi marbutin mal-implimentazzjoni tal-firma elettronika, jenħtieġ li jkun possibbli, għall-ewwel sena tal-applikazzjoni tar-rekwiżit il-ġdid, li jitressqu dokumenti ffirmati trażmessi f'forma elettronika.

(5)

Skont l-Artikolu 31(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014, il-forma u l-kontenut tal-informazzjoni tal-kontabbiltà msemmija fl-Artikolu 30(1)(c) ta' dak ir-Regolament ta' Implimentazzjoni, u l-mod ta' kif tintbagħat lill-Kummissjoni, għandhom ikunu kif stipulat skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1758 (4). L-esperjenza turi li l-forma u l-kontenut tal-informazzjoni tal-kontabbiltà jeħtieġu jiġu emendati kull sena skont il-piż amministrattiv u r-riskju ta' dewmien relatati. Għaldaqstant, għal raġunijiet ta' semplifikazzjoni, u sabiex jingħata lok għall-iffissar f'waqtu tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi relatati, jixraq li jkun permess li, mis-sena finanzjarja 2019 'il quddiem, il-Kummissjoni tqiegħed għad-dispożizzjoni mudelli u speċifikazzjonijiet tekniċi relatati għall-informazzjoni tal-kontabbiltà, u li l-Kummissjoni taġġornahom wara li tkun infurmat lill-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli, qabel il-bidu ta' kull sena finanzjarja. Jixraq ukoll li jiġu stipulati r-rekwiżiti ġenerali għal dawk l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi.

(6)

L-Artikolu 34(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014 jipprevedi li, meta l-Kummissjoni tqis li n-nefqa ma tkunx saret skont ir-regoli tal-Unjoni, għandha tikkomunika s-sejbiet tagħha lill-Istat Membru kkonċernat, u permezz ta' tali komunikazzjoni tiskeda laqgħa bilaterali fi żmien erba' xhur mill-iskadenza tal-perjodu għat-tweġiba min-naħa tal-Istat Membru. Matul dan il-perjodu jeħtieġu ċerti passi amministrattivi, fosthom it-traduzzjoni tat-tweġiba mingħand l-Istat Membru, l-analiżi mill-Kummissjoni tal-elementi mibgħuta mill-Istat Membru, it-tħejjija tal-istedina għal-laqgħa bilaterali fil-lingwa nazzjonali tal-Istat Membru, u t-tħejjija tal-laqgħa. L-esperjenza tal-aħħar sentejn turi li l-perjodu ta' erba' xhur fil-biċċa l-kbira tal-każijiet ma jkunx biżżejjed biex iwassal għal laqgħat effettivi. Sabiex jingħata lok għal tħejjija aħjar tal-laqgħa bilaterali, il-perjodu li fih għandha ssir il-laqgħa jenħtieġ li tittawwal għal ħames xhur. Din il-prolongazzjoni se tkun applikabbli biss għall-inkjesti li għalihom il-komunikazzjoni skont l-istess Artikolu 34(2) tkun għadha ma ntbagħtitx fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, sabiex ma jitfixklux l-inkjesti li għadhom għaddejjin.

(7)

It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 34(3) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014 jirrikjedi li l-Kummissjoni tibgħat il-konklużjonijiet tagħha lill-Istat Membru fi żmien sitt xhur minn meta tibgħat il-minuti tal-laqgħa bilaterali. L-iskadenza hija speċifikata biss b'rabta mal-minuti tal-laqgħa bilaterali, li jfisser li l-laqgħa bilaterali diġà tkun saret. L-istess Regolament ta' Implimentazzjoni ma jagħtix definizzjoni espliċita ta' skadenza biex tintbagħat il-komunikazzjoni f'każ li Stat Membru jkun iqis li laqgħa bilaterali mhijiex neċessarja. Għaldaqstant, jenħtieġ li dik id-dispożizzjoni tiġi ċċarata f'dan ir-rigward, u li tiffissa punt ta' tluq tal-perjodu ta' sitt xhur fejn ebda laqgħa bilaterali ma tkun neċessarja.

(8)

L-Artikolu 34(9) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014 jipprevedi li, f'każijiet iġġustifikati, il-perjodu msemmi fil-paragrafi 3, 4 u 5 tal-istess Artikolu jista' jittawwal. L-Artikolu 34(2) tal-istess Regolament ta' Implimentazzjoni jipprevedi perjodu li fih għandha ssir il-laqgħa bilaterali, u jista' jiġri li, f'każijiet iġġustifikati, ikun hemm bżonn li dak il-perjodu jittawwal. Għaldaqstant, l-Artikolu 34(9) tal-istess Regolament jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(9)

Skont l-Artikolu 111(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, l-Istati Membri jridu jippubblikaw informazzjoni dwar il-benefiċjarji tal-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) u tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), inkluż, fost l-oħrajn, l-ammont tal-pagament riċevut għal kull miżura ffinanzjata minn dawn il-fondi fis-sena finanzjarja kkonċernata, u n-natura u d-deskrizzjoni ta' kull miżura. L-Artikolu 57 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 jispeċifika d-dettalji li jridu jiġu ppubblikati fir-rigward ta' dawk il-miżuri, u jirreferi għall-Anness XIII tal-istess Regolament, li fih lista tal-miżuri kkonċernati.

(10)

Jenħtieġ li l-Anness XIII tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014 jiġi emendat sabiex iqis ukoll li l-miżuri eċċezzjonali meħtieġa biex jindirizzaw is-sitwazzjoni tas-suq abbażi tal-Artikoli 220(1) u 221(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) għandhom jiġu inklużi fost il-miżuri elenkati fl-istess Anness. Dawk il-miżuri eċċezzjonali jitqiesu miżuri li jappoġġaw is-swieq agrikoli skont l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013. Għaldaqstant, jixraq li jiġi emendat il-punt 10 tal-Anness XIII tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014. Barra minn hekk, l-għajnuna lis-settur tad-dud tal-ħarir imsemmija fil-punt 3 tal-lista ta' dak l-Anness ma għadhiex applikabbli, billi l-Artikolu 111 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (6) tħassar bir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fis-seħħ mill-1 ta' Jannar 2014, u billi l-impenji finanzjarji u l-ħlasijiet lill-benefiċjarji kollha relatati waslu fi tmiemhom. Għaldaqstant, jenħtieġ li r-referenza għall-għajnuna lis-settur tad-dud tal-ħarir titħassar minn dik il-lista.

(11)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014 jiġi emendat skont dan.

(12)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 7(3), ir-raba' sentenza tinbidel b'li ġej:

“Fir-rigward tal-ittestjar sostantiv, inkluż il-metodi tat-teħid tal-kampjuni, il-korpi taċ-ċertifikazzjoni jistgħu jużaw ittestjar b'żewġ għanijiet fost il-miri tal-awditjar.”;

(2)

fl-Artikolu 22(2), jiddaħħal it-tielet subparagrafu li ġej:

“Fir-rigward tal-istrumenti finanzjarji stabbiliti skont l-Artikolu 38(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-infiq għandu jiġi ddikjarat għall-perjodi ta' referenza msemmija fl-ewwel subparagrafu, ladarba jintlaħqu l-kundizzjonijiet għal kull applikazzjoni sussegwenti għall-pagament interim kif stipulat fl-Artikolu 41(1) tal-istess Regolament.”;

(3)

fl-Artikolu 27(1), tiżdied is-sentenza li ġejja:

“L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jirkuprawx l-imgħax fejn l-ammont tal-imgħax ma jaqbiżx il-5 euro.”;

(4)

fl-Artikolu 30, il-paragrafu 2 jinbidel b'li ġej:

“2.   Id-dokumenti u l-informazzjoni dwar il-kontabbiltà msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-15 ta' Frar tas-sena ta' wara t-tmiem tas-sena finanzjarja li jkunu relatati magħha. Id-dokumenti msemmija fil-punti (a), (b) u (d) ta' dak il-paragrafu għandhom jintbagħtu b'mod elettroniku skont il-format u l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 24.

Dawk id-dokumenti għandhom iġorru firma elettronika obbligatorja fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1). Għad-dokumenti relatati mas-sena finanzjarja 2017, il-Kummissjoni tista' taċċetta dokumenti ffirmati trażmessi f'forma elettronika.

(*1)  Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73).”;"

(5)

fl-Artikolu 31, il-paragrafu 1 jinbidel b'li ġej:

“1.   Il-Kummissjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri l-forma u l-kontenut tal-informazzjoni dwar il-kontabbiltà msemmija fl-Artikolu 30(1)(c), b'mudelli permezz ta' sistemi informatiċi.

Il-Kummissjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni l-mudelli u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi relatati għall-informazzjoni dwar il-kontabbiltà, u għandha taġġornahom wara li tkun infurmat lill-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli, qabel il-bidu ta' kull sena finanzjarja.

L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jinkludu:

(a)

ir-rekwiżiti tad-dejta annwali għall-informazzjoni dwar il-kontabbiltà individwali (X Tabella);

(b)

l-ispeċifikazzjoni għat-trasferiment tal-fajls tal-kompjuter dwar in-nefqa tal-FAEG u l-FAEŻR;

(c)

id-deskrizzjonijiet tal-kaxxi tad-dejta (aide-memoire);

(d)

l-istruttura tal-kodiċijiet tal-baġit tal-FAEŻR.”;

(6)

L-Artikolu 34 huwa emendat kif ġej:

(a)

Fil-paragrafu 2, l-ewwel sottoparagrafu jinbidel b'li ġej:

“Fejn, minħabba kwalunkwe stħarriġ, il-Kummissjoni tqis li l-infiq ma sarx skont ir-regoli tal-Unjoni, għandha tikkomunika s-sejbiet tagħha lill-Istat Membru kkonċernat, fejn tispeċifika l-miżuri korrettivi meħtieġa biex tkun żgurata l-konformità ma' dawk ir-regoli fil-futur, u tindika l-livell proviżjonali ta' korrezzjoni finanzjarja li f'dak l-istadju tal-proċedura tikkunsidra li jikkorrispondi mas-sejbiet tagħha. Dik il-komunikazzjoni għandha wkoll tiskeda laqgħa bilaterali fi żmien ħames xhur wara li jiskadi l-perjodu għat-tweġiba min-naħa tal-Istat Membru. Il-komunikazzjoni għandha tagħmel referenza għal dan l-Artikolu.”;

(b)

fil-paragrafu 3, jiżdied ir-raba' subparagrafu li ġej:

“Jekk Stat Membru jgħarraf lill-Kummissjoni li laqgħa bilaterali mhijiex neċessarja, il-perjodu ta' sitt xhur jibda mid-data tal-wasla tan-notifika għand il-Kummissjoni.”;

(c)

il-paragrafu 9 jinbidel b'li ġej:

“9.   F'każijiet iġġustifikati kif xieraq u li għandhom jiġu nnotifikati lill-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni tista' testendi l-perjodi stabbiliti fil-paragrafi 2 u 5.”;

(7)

L-Anness I jinbidel bit-test tal-Anness ta' dan ir-Regolament;

(8)

L-Anness XIII jinbidel kif gej:

(a)

il-punt 3 jitħassar;

(b)

il-punt 10 jinbidel b'li ġej:

“10.

Il-miżuri mogħtija skont l-Artikoli 219(1), 220(1) u 221(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 bħala miżuri ta' appoġġ għas-swieq agrikoli skont l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum mill-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Jannar 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 tas-6 ta' Awwissu 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni ta' kontijiet, ir-regoli dwar kontrolli, garanziji u trasparenza (ĠU L 255, 28.8.2014, p. 59).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1758 tas-27 ta' Settembru 2017 li jistabbilixxi l-forma u l-kontenut tal-informazzjoni dwar il-kontabilità li trid tintbagħat lill-Kummissjoni għall-fini tal-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEG u tal-FAEŻR kif ukoll għall-finijiet tal-monitoraġġ u tat-tbassir (ĠU L 250, 28.9.2017, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1).


ANNESS

ANNESS I

DIKJARAZZJONI AMMINISTRATTIVA

(Artikolu 3)

Jiena, …, id-Direttur tal-Aġenzija tal-Pagamenti ta' …, nippreżenta l-kontijiet għal din l-Aġenzija tal-Pagamenti għas-sena finanzjarja 16.10.xx sa 15.10.xx+1.

Niddikjara, abbażi tal-ġudizzju tiegħi stess u fuq l-informazzjoni li għandi għad-dispożizzjoni tiegħi, inkluż, fost l-oħrajn, ir-riżultati tax-xogħol tas-servizz ta' awditjar intern, li:

il-kontijiet ippreżentati u sottomessi f'format elettroniku jagħtu, safejn naf jiena, perspettiva vera, sħiħa u preċiża tal-infiq u tal-introjti għas-sena finanzjarja li hemm referenza għaliha hawn fuq. B'mod partikolari, id-djun, il-ħlasijiet bil-quddiem, il-garanziji u l-istokkijiet kollha li naf bihom jien ġew irreġistrati fil-kontijiet, u l-introjtu kollu miġbur relatat mal-FAEG u mal-FAEŻR ġie kkreditat kif suppost lill-fondi xierqa;

Jien implimentajt sistema li tipprovdi assigurazzjoni raġonevoli dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti, inkluż li l-eliġibbiltà tat-talbiet u, għall-iżvilupp rurali, il-proċedura għall-attribuzzjoni tal-għajnuna, huma ġestiti, ikkontrollati u ddokumentati skont ir-regoli tal-Unjoni;

In-nefqa mdaħħla fil-kontijiet intużat għall-iskop intiż tagħha, kif definit fir-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

Barra minn hekk, nikkonferma li hemm fis-seħħ miżuri effettivi u proporzjonati kontra l-frodi skont l-Artikolu 58 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u li dawn iqisu r-riskji identifikati.

Madankollu, dik l-assigurazzjoni hija soġġetta għar-riżervi li ġejjin:

Finalment, nikkonferma li ma naf bl-ebda kwistjoni mhux żvelata li tista' tkun ta' dannu għall-interess finanzjarju tal-Unjoni.

Firma


DEĊIŻJONIJIET

13.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 10/14


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT POLITIKU U TA' SIGURTÀ (PESK) 2018/57

tad-9 ta' Jannar 2018

li testendi l-mandat tal-Kap tal-Missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fil-Mali (EUCAP Sahel Mali) (EUCAP Sahel Mali/1/2018)

IL-KUMITAT POLITIKU U TA' SIGURTÀ,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari t-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/219/PESK tal-15 ta' April 2014 dwar il-missjoni ta' PSDK tal-Unjoni Ewropea f'Mali (EUCAP Sahel Mali) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(1) tagħha,

Billi:

(1)

Skont id-Deċiżjoni 2014/219/PESK, il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) huwa awtorizzat, f'konformità mal-Artikolu 38 tat-Trattat, sabiex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti għall-fini tal-eżerċizzju tal-kontroll politiku u tat-tmexxija strateġika tal-missjoni EUCAP Sahel Mali, inkluż id-deċiżjoni dwar il-ħatra ta' Kap tal-Missjoni.

(2)

Fit-18 ta' Settembru 2017, il-KPS adotta d-Deċiżjoni EUCAP Sahel Mali/1/2017 (2), biex ħatar lis-Sur Philippe RIO bħala l-Kap tal-Missjoni tal-EUCAP Sahel Mali mill-1 ta' Ottubru 2017 sal-14 ta' Jannar 2018.

(3)

Fit-13 ta' Diċembru 2017, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà pproponiet l-estensjoni tal-mandat tas-Sur Philippe RIO bħala l-Kap tal-Missjoni tal-EUCAP Sahel Mali mill-15 ta' Jannar 2018 sal-14 ta' Jannar 2019,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-mandat tas-Sur Philippe RIO bħala l-Kap tal-Missjoni tal-EUCAP Sahel Mali huwa b'dan estiż sal-14 ta' Jannar 2019.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Jannar 2018.

Għall-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà

Il-President

W. STEVENS


(1)  ĠU L 113, 16.4.2014, p. 21.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (PESK) 2017/1780 tat-18 ta' Settembru 2017 dwar il-ħatra tal-Kap tal-Missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fil-Mali (EUCAP Sahel Mali) (EUCAP Sahel Mali/1/2017) (ĠU L 253, 30.9.2017, p. 37).


13.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 10/15


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/58

tat-12 ta' Jannar 2018

li timplimenta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/849 tas-27 ta' Mejju 2016 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/183/PESK (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 33(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-27 ta' Mejju 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/849.

(2)

Fit-28 ta' Diċembru 2017, il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (“KSNU”) stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni 1718 (2006) tal-KSNU iddeżinja erba' bastimenti bis-saħħa tal-paragrafu 6 tar-Riżoluzzjoni 2375 (2017) tal-KSNU.

(3)

Għalhekk jenħtieġ li l-Anness IV għad-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness IV għad-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 huwa emendat kif indikat fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Jannar 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

E. KRALEVA


(1)  ĠU L 141, 28.5.2016, p. 79.


ANNESS

Il-bastimenti li ġejjin jiżdiedu mal-lista ta' bastimenti soġġetti għal miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness IV għad-Deċiżjoni (PESK) 2016/849:

“5.

Isem: BILLIONS NO. 18

Informazzjoni addizzjonali

OMI: 9191773

6.

Isem: UL JI BONG 6

Informazzjoni addizzjonali

OMI: 9114555

7.

Isem: RUNG RA 2

Informazzjoni addizzjonali

OMI: 9020534

8.

Isem: RYE SONG GANG 1

Informazzjoni addizzjonali

OMI: 7389704”.


13.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 10/17


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/59

tal-11 ta' Jannar 2018

li temenda d-Deċiżjoni 2009/300/KE rigward il-kontenut, u l-perjodu ta' validità, tal-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għat-televiżjonijiet

(notifikata bid-dokument C(2018) 6)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar skema ta' Ekotikketta tal-UE (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 8(2) u (3) tiegħu,

Wara li kkonsultat il-Bord tal-Ekotikkettar tal-Unjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/300/KE (2) tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi u r-rekwiżiti speċifiċi ta' valutazzjoni u ta' verifika għall-grupp ta' prodotti “televiżjonijiet”.

(2)

Il-validità tal-kriterji ekoloġiċi attwali u tar-rekwiżiti ta' valutazzjoni u ta' verifika relatati stabbiliti fid-Deċiżjoni 2009/300/KE tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2017.

(3)

L-ewwel kriterju stabbilit fid-Deċiżjoni 2009/300/KE, li jikkonċerna t-tfaddil tal-enerġija, huwa bbażat fuq ir-rekwiżiti eżistenti tat-tikkettar enerġetiku u tal-ekodisinn għat-televiżjonijiet stabbiliti permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 642/2009 (3). B'konsegwenza, bħalissa l-Ekotikketta tal-UE qed tingħata għat-televiżjonijiet li jkollhom it-tikketta tal-Klassi tal-Effiċjenza Enerġetika B skont l-iskema tat-tikkettar enerġetiku għat-televiżjonijiet stabbilita fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2010 (4) (“l-Iskema tat-Tikkettar Enerġetiku”). Madankollu, il-Klassi tal-Effiċjenza Enerġetika B mhix l-aktar klassi effiċjenti mibjugħa fis-suq tal-Unjoni. Għalhekk, l-ewwel kriterju fid-Deċiżjoni 2009/300/KE jeħtieġ li jiġi aġġornat biex ikun żgurat li l-Ekotikketta tal-UE tingħata lill-prodotti li huma effiċjenti fl-enerġija.

(4)

Saret proposta biex ir-rekwiżiti eżistenti tat-tikkettar enerġetiku u tal-ekodisinn għat-televiżjonijiet jiġu sostitwiti b'sett ġdid ta' rekwiżiti sa mhux aktar tard mill-2019 (5), iżda s'issa l-proposta għadha ma ġietx adottata. Sakemm issir l-adozzjoni ta' dik il-proposta, jenħtieġ li l-kriterju “tfaddil tal-enerġija” fid-Deċiżjoni 2009/300/KE jiġi emendat biex jirreferi għall-klassijiet tal-enerġija ogħla fil-verżjoni attwali tal-Iskema tat-Tikkettar tal-Enerġija.

(5)

Saret valutazzjoni li tikkonferma r-rilevanza u l-adegwatezza tal-emenda proposta għall-kriterju “tfaddil tal-enerġija”, u li tikkonferma wkoll ir-rilevanza u l-adegwatezza tal-kriterji ekoloġiċi l-oħra kollha eżistenti għat-televiżjonijiet u tar-rekwiżiti ta' valutazzjoni u ta' verifika relatati stabbiliti permezz tad-Deċiżjoni 2009/300/KE. Ladarba r-rekwiżiti l-ġodda tat-tikkettar enerġetiku u tal-ekodisinn għat-televiżjonijiet proposti jiġu adottati huwa previst li ssir reviżjoni tal-kriterji tal-Ekotikketta.

(6)

Minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-premessi 4 u 5, u sabiex jitħalla biżżejjed żmien għar-reviżjoni tal-kriterji ekoloġiċi attwali, ladarba jiġu adottati r-rekwiżiti l-ġodda tat-tikkettar enerġetiku u tal-ekodisinn, jenħtieġ li l-perjodu ta' validità tal-kriterji eżistenti u tar-rekwiżiti ta' valutazzjoni u ta' verifika relatati, kif emendati b'din id-Deċiżjoni, jiġi estiż sal-31 ta' Diċembru 2019.

(7)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2009/300/KE tiġi emendata skont dan.

(8)

Jenħtieġ li jingħata perjodu tranżitorju għal applikazzjonijiet u liċenzji li jaqgħu taħt il-kriterji stabbiliti fid-Deċiżjoni 2009/300/KE biex id-detenturi ta' liċenzji u l-applikanti jingħataw żmien biżżejjed biex jadattaw għall-bidliet magħmula fil-kriterju “tfaddil tal-enerġija”.

(9)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 66/2010,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2009/300/KE jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 3

Il-kriterji ekoloġiċi għall-grupp ta' prodotti “televiżjonijiet”, u r-rekwiżiti ta' valutazzjoni u ta' verifika relatati, jibqgħu validi sal-31 ta' Diċembru 2019.”.

Artikolu 2

L-Anness tad-Deċiżjoni 2009/300/KE huwa emendat kif stabbilit fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

1.   L-applikazzjonijiet għall-Ekotikketta tal-UE għall-prodotti li jagħmlu parti mill-grupp ta' prodotti “televiżjonijiet” ippreżentati qabel id-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu evalwati skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-verżjoni tad-Deċiżjoni 2009/300/KE fis-seħħ fil-jum immedjatament qabel id-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni (“il-verżjoni l-qadima tad-Deċiżjoni 2009/300/KE”).

2.   L-applikazzjonijiet għall-Ekotikketta tal-UE għall-prodotti li jagħmlu parti mill-grupp ta' prodotti “televiżjonijiet” ippreżentati fi żmien xahar mid-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni jistgħu jkunu bbażati fuq il-kriterji stabbiliti fil-verżjoni l-qadima tad-Deċiżjoni 2009/300/KE jew fuq il-kriterji stabbiliti fil-verżjoni ta' dik id-Deċiżjoni kif emendata b'din id-Deċiżjoni.

3.   Il-liċenzji tal-Ekotikketta tal-UE mogħtija skont il-kriterji stabbiliti fil-verżjoni l-qadima tad-Deċiżjoni 2009/300/KE jistgħu jintużaw għal 6 xhur mid-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Jannar 2018.

Għall-Kummissjoni

Karmenu VELLA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 27, 30.1.2010, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/300/KE tat-12 ta' Marzu 2009 li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi riveduti għall-għotja tal-Ekotikketta Komunitarja lit-televiżjonijiet (ĠU L 82, 28.3.2009, p. 3).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 642/2009 tat-22 ta' Lulju 2009 li jimplimenta d-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għat-televixins (ĠU L 191, 23.7.2009, p. 42).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1061/2010 tat-28 ta' Settembru 2010 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar enerġetiku għat-televixins (ĠU L 314, 30.11.2010, p. 64).

(5)  COM(2016) 773 final. http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1490877945963&uri=CELEX:52016DC0773


ANNESS

Fl-Anness tad-Deċiżjoni 2009/300/KE, il-kriterju 1 (Tfaddil tal-enerġija) huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-punt (b) (Il-konsum massimu tal-enerġija), “≤ 200 W” huwa sostitwit b'“≤ 100 W”;

(2)

l-erba' paragrafi fil-punt (c) (L-Effiċjenza fl-Enerġija) huma emendat kif ġej:

“It-televiżjonijiet għandhom jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet tal-Indiċi tal-Effiċjenza Enerġetika stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2010 (*1) għall-klassi tal-effiċjenza enerġetika speċifikata kif ġej jew, inkella, għal klassi tal-effiċjenza enerġetika aktar effiċjenti:

i.

il-klassi tal-effiċjenza enerġetika A għal apparati bi skrin viżibbli dijagonali ≤ 90cm (jew 35,4 pulzier);

ii.

il-klassi tal-effiċjenza enerġetika A+ (A għal UHD) għal apparati bi skrin viżibbli dijagonali > 90cm (jew 35,4 pulzier) u < 120cm (jew 47,2 pulzier);

iii.

il-klassi tal-effiċjenza enerġetika A++ (A+ għal UHD) għal apparati bi skrin viżibbli dijagonali ≥ 120cm (47,2 pulzier).

F'dan il-punt, ‘UHD’ tfisser Definizzjoni Għolja Ħafna (‘Ultra High Definition’), li hija standardizzata (*2) b'żewġ riżoluzzjonijiet ta' 3 840 × 2 160 (UHD-4K) pixels jew 7 680 × 4 320 (UHD-8K) pixels.

(*1)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2010 tat-28 ta' Settembru 2010 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar enerġetiku għat-televixins (ĠU L 314, 30.11.2010, p. 64)."

(*2)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (ITU-R) BT.2020.”;"

(3)

fit-taqsima bit-titolu “Il-valutazzjoni u l-verifika (il-punti a) sa c))”:

(a)

l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“L-applikant għandu jippreżenta rapport tat-test għall-mudell(i) tat-televiżjoni li jkopri t-test imwettaq skont l-istandards EN 50564 biex jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt a) u t-testijiet imwettqa bl-użu tal-proċeduri u tal-metodi ta' kejl imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 tal-Anness VII tar-Regolament Delegat (UE) Nru 1062/2010 biex jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti b) u c). Barra minn hekk, il-klassi tal-effiċjenza enerġetika u l-iskrin viżibbli dijagonali għandhom jiġu indikati fir-rapport.”;

(b)

it-tielet paragrafu huwa mħassar.



13.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 10/20


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/60

tat-12 ta' Jannar 2018

li tikkonċerna ċerti miżuri interim ta' protezzjoni marbuta mad-deni Afrikan tal-ħnieżer fir-Rumanija

(notifikata bid-dokument C(2018) 219)

(It-test bir-Rumen biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta' Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(3) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar veterinarju u zootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju ta' ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(3) tagħha,

Billi:

(1)

Id-deni Afrikan tal-ħnieżer huwa marda virali infettiva li taffettwa l-popolazzjonijiet tal-ħnieżer domestiċi u selvaġġi u jista' jkollha impatt serju fuq il-profitti tan-negozji tat-trobbija tal-ħnieżer li jisfratta l-kummerċ fl-Unjoni u l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi.

(2)

F'każ ta' tifqigħa tad-deni Afrikan tal-ħnieżer, hemm ir-riskju li l-aġent tal-marda jista' jinxtered ma' rziezet oħra tal-ħnieżer u mal-ħnieżer selvaġġi. B'hekk, jista' jinxtered minn Stat Membru għall-ieħor u għall-pajjiżi terzi permezz tal-kummerċ tal-ħnieżer ħajjin jew tal-prodotti tagħhom.

(3)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/60/KE (3) tistabbilixxi l-miżuri minimi li għandhom jiġu applikati fl-Unjoni għall-kontroll tad-deni Afrikan tal-ħnieżer. L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/60/KE jipprevedi t-twaqqif ta' żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza fil-każ ta' tifqigħat ta' dik il-marda, fejn għandhom japplikaw il-miżuri stabbiliti fl-Artikoli 10 u 11 ta' dik id-Direttiva.

(4)

Ir-Rumanija infurmat lill-Kummissjoni bis-sitwazzjoni preżenti fit-territorju tagħha fir-rigward tad-deni Afrikan tal-ħnieżer u, f'konformità mal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/60/KE, stabbiliet żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza fejn japplikaw il-miżuri msemmija fl-Artikoli 10 u 11 ta' dik id-Direttiva.

(5)

Sabiex jiġi evitat kull xkiel bla bżonn għall-kummerċ fi ħdan l-Unjoni u biex jiġu evitati ostakoli mhux ġustifikati għall-kummerċ minn pajjiżi terzi, jinħtieġ li jiġu deskritti fuq il-livell tal-Unjoni ż-żoni stabbiliti bħala żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza għad-deni Afrikan tal-ħnieżer fir-Rumanija, f'kollaborazzjoni ma' dak l-Istat Membru.

(6)

Għaldaqstant, sakemm issir il-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, iż-żoni identifikati bħala żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza fir-Rumanija għandhom jiġu stipulati fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni u għandu jiġi stabbilit it-tul ta' żmien ta' din ir-regjonalizzazzjoni.

(7)

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi riveduta fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-Rumanija għandha tiżgura li ż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza stabbiliti f'konformità mal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/60/KE jinkludu mill-inqas iż-żoni elenkati bħala ż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta' Marzu 2018.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Jannar 2018.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.

(2)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/60/KE tas-27 ta' Ġunju 2002 li tistabbilixxi miżuri għall-kontroll tad-deni Afrikan tal-qżieqeż u temenda d-Direttiva 92/119/KE għar-rigward tal-marda Teschen u d-deni Afrikan tal-qżieqeż (ĠU L 192, 20.7.2002, p. 27).


ANNESS

Rumanija

Żoni kif imsemmija fl-Artikolu 1

Data sa meta applikabbli

Żona ta' protezzjoni

Micula locality, Micula commune

Micula Noua locality, Micula commune

31 March 2018

Żona ta' sorveljanza

Cidreag locality, Halmeu commune

Porumbesti locality, Halmeu commune

Halmeu locality

Dorobolt locality, Halmeu commune

Mesteacan locality, Halmeu commune

Turulung locality, Turulung commune

Draguseni locality, Turulung commune

Agris locality, Agris commune

Ciuperceni locality, Agris commune

Dumbrava locality, Livada commune

Vanatoresti locality, Odoreu commune

Botiz locality, Odoreu commune

Lazuri locality, Lazuri commune

Noroieni locality, Lazuri commune

Peles locality, Lazuri commune

Pelisor locality, Lazuri commune

Nisipeni locality, Lazuri commune

Bercu locality, Lazuri commune

Bercu Nou locality, Micula commune

31 March 2018