ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 322

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 60
7 ta' Diċembru 2017


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2240 tal-10 ta' Novembru 2017 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra tagħhom

1

 

 

Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra tagħhom

3

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2241 tas-6 ta' Diċembru 2017 dwar l-estensjoni tal-perjodi tranżizzjonali relatati ma' rekwiżiti ta' fondi proprji għal skoperturi għal kontropartijiet ċentrali stipulati fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 )

27

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2242 tat-30 ta' Novembru 2017 li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati għall-emendar tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992

29

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

7.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 322/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/2240

tal-10 ta' Novembru 2017

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra tagħhom

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fl-20 ta' Diċembru 2010, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mal-Konfederazzjoni Żvizzera għal kollegament bejn l-iskemi għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra tagħhom (“ETS”, emissions trading systems). In-negozjati ġew konklużi b'suċċess permezz tal-inizjalar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-Kollegament tal-Iskemi għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet ta' Gassijiet Serra tagħhom (il-“Ftehim”).

(2)

Il-Ftehim jiżgura li l-kondizzjonijiet għall-kollegament, kif speċifikat fl-Artikolu 25 tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), jiġu sodisfatti.

(3)

Il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f'isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit taħt il-Ftehim għandhom jiġu stabbiliti f'konformità mal-proċeduri u l-prattiki eżistenti u b'rispett sħiħ għall-prerogattivi tat-tfassil ta' politika tal-Kunsill. B'mod partikolari, fejn il-Kumitat Konġunt jintalab jieħu deċiżjonijiet li jkollhom effetti legali, huwa l-Kunsill li għandu jiddetermina l-pożizzjoni tal-Unjoni f'konformità mal-Artikolu 218(9) tat-Trattat.

(4)

Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi ffirmat.

(5)

Sabiex tkun żgurata l-koordinazzjoni bejn il-Partijiet u biex jiġu kkunsidrati l-iżviluppi leġislattivi rilevanti, inklużi l-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tar-regoli Żvizzera rilevanti li jestendu l-ETS Żvizzera għall-avjazzjoni, u l-ħtieġa li l-Anness I, Parti B tal-Ftehim jiġi emendat skont dan, jenħtieġ li l-Artikoli 11 sa 13 tal-Ftehim jiġu applikati fuq bażi proviżorja, sa meta jitlestew il-proċeduri neċessarji għad-dħul fis-seħħ tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra tagħhom huwa b'dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni ta' dan il-Ftehim.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jinnomina lill-persuna jew persuni mogħtija s-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f'isem l-Unjoni.

Artikolu 3

L-Artikoli 11 sa 13 tal-Ftehim għandhom jiġu applikati fuq bażi proviżorja mill-iffirmar tiegħu (2), sa meta jitlestew il-proċeduri neċessarji għad-dħul fis-seħħ tiegħu.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Novembru 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

U. PALO


(1)  Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).

(2)  Id-data tal-iffirmar tal-Ftehim ser tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


7.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 322/3


FTEHIM

bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra tagħhom

L-UNJONI EWROPEA, (minn hawn 'il quddiem “l-Unjoni”)

minn naħa waħda, u

IL-KONFEDERAZZJONI ŻVIZZERA (minn hawn 'il quddiem “l-Iżvizzera”)

min-naħa l-oħra,

(minn hawn 'il quddiem “il-Partijiet”),

KONXJI TAL-isfida globali li tirriżulta mit-tibdil fil-klima u l-isforzi internazzjonali meħtieġa biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

FILWAQT LI JINNUTAW l-impenji internazzjonali, b'mod partikolari l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Protokoll ta' Kjoto tagħha, biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra;

FILWAQT LI JQISU LI l-Iżvizzera u l-Unjoni jikkondividu l-objettiv ta' tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet ta' gassijiet serra sal-2020 u lil hinn;

KONXJI LI r-reviżjonijiet għall-perjodi futuri ta' negozjar tal-Iskemi għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet tal-Unjoni u tal-Iżvizzera jistgħu jkunu jeħtieġu reviżjonijiet ta' dan il-Ftehim sabiex, bħala minimu, tiġi ppreservata l-integrità tal-impenji ta' mitigazzjoni tal-Partijiet;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU LI l-Iskemi għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet huma għodda effettiva għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra b'mod kosteffikaċi;

FILWAQT LI JQISU LI l-kollegament tal-Iskemi għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet sabiex ikun jista' jsir skambju ta' kwoti tal-emissjonijiet bejn is-sistemi ser jgħin sabiex jinbena suq internazzjonali robust tal-karbonju u jkomplu jissaħħu l-isforzi tal-Partijiet li jkunu kkollegaw is-sistemi tagħhom għat-tnaqqis fl-emissjonijiet;

FILWAQT LI JQISU LI permezz tal-kollegament tal-Iskemi għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet għandhom jiġu evitati r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn is-sistemi kollegati u għandu jiġi żgurat funzjonament kif suppost tas-swieq tal-karbonju kollegati;

WARA LI KKUNSIDRAW l-Iskema għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet tal-Unjoni, stabbilita permezz tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (minn hawn 'il quddiem “id-Direttiva 2003/87/KE”) kif emendata, u l-Iskema għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet tal-Iżvizzera, stabbilita permezz tal-Att tas-CO2 u l-Ordinanza tiegħu;

FILWAQT LI JFAKKRU li n-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein jipparteċipaw fl-Iskema għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet tal-Unjoni;

FILWAQT LI JQISU LI, skont iż-żmien tar-ratifika ta' dan il-Ftehim, il-kollegament għandu jkun operattiv mill-1 ta' Jannar 2019 jew mill-1 ta' Jannar 2020 mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni aktar bikrija tal-kriterji essenzjali mill-Iżvizzera jew mill-Unjoni, u mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni proviżorja ta' dan il-Ftehim;

KONXJI LI l-kollegament ta' Skemi għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet jeħtieġ aċċess għal informazzjoni sensittiva kif ukoll l-iskambju tagħha bejn il-Partijiet u għalhekk miżuri xierqa ta' sigurtà;

FILWAQT LI JINNUTAW LI dan il-Ftehim ma jaffettwax id-dispożizzjonijiet li bihom il-Partijiet jistabbilixxu l-objettivi tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra li mhumiex koperti mill-Iskemi għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet tagħhom;

FILWAQT LI JIRROKONOXXU LI dan il-Ftehim għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe ftehim bilaterali bejn l-Iżvizzera u Franza – fir-rigward tal-istatus binazzjonali tal-EuroAiport Basel-Mulhouse-Freiburg kif stabbilit permezz tal-'Convention franco-suisse du 4 juillet 1949 relative à la construction et à l'exploitation de l'aéroport de Bâle-Mulhouse', diment li l-ftehim bilaterali jirrispetta l-kriterji essenzjali u d-dispożizzjonijiet tekniċi definiti f'dan il-Ftehim;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU LI d-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim huma mfassla fid-dawl tar-rabtiet mill-qrib u tar-relazzjoni speċjali li teżisti bejn l-Iżvizzera u l-Unjoni;

FILWAQT LI JILQGĦU l-Ftehim li ntlaħaq waqt il-21 konferenza tal-partijiet għall-UNFCCC f'Pariġi fit-12 ta' Diċembru 2015, u jirrikonoxxu li l-kwistjonijiet ta' kontabilità li jirriżultaw minn dak il-Ftehim ser jiġu eżaminati fi żmien debitu,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Objettiv

Dan il-Ftehim jikkollega l-Iskema għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet tal-Unjoni (l-“EU ETS”) mal-Iskema għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet tal-Iżvizzera (l-“ETS tal-Iżvizzera”).

Artikolu 2

Kriterji Essenzjali

L-Iskemi għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet tal-Partijiet (l-“ETS”) għandhom tal-anqas jissodisfaw il-kriterji essenzjali stabbiliti fl-Anness I.

KAPITOLU II

DISPOŻIZZJONIJIET TEKNIĊI

Artikolu 3

Reġistri

1.   Ir-reġistri tal-Partijiet għandhom jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Anness I, il-Parti C.

2.   Biex jitħaddem il-kollegament bejn l-EU ETS u l-ETS tal-Iżvizzera, għandu jiġi stabbilit kollegament dirett bejn ir-Reġistru tat-Tranżazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (EUTL) tar-reġistru tal-Unjoni u r-Reġistru Supplimentari tat-Tranżazzjonijiet Żvizzeru (SSTL) tar-reġistru Żvizzeru, li se jippermetti t-trasferiment bejn ir-reġistri ta' kwoti tal-emissjonijiet li jkunu nħarġu taħt kwalunkwe waħda miż-żewġ ETS.

3.   Il-kollegament bejn ir-reġistri għandu, inter alia:

(a)

jiġi amministrat mill-amministratur tar-reġistru Żvizzeru fil-każ tal-Iżvizzera, u mill-amministratur ċentrali tal-Unjoni fil-każ tal-Unjoni,

(b)

jopera skont il-liġijiet applikabbli f'kull ġurisdizzjoni,

(c)

ikun sostnut minn proċessi awtomatizzati integrati kemm fir-reġistru Żvizzeru kif ukoll fir-reġistru tal-Unjoni sabiex ikunu jistgħu jsiru t-tranżazzjonijiet,

(d)

jiġi implimentat b'tali modi sabiex tiġi żgurata, kemm jista' jkun possibbli, funzjonalità konsistenti għall-utenti tar-reġistru Żvizzeru u tar-reġistru tal-Unjoni.

4.   L-amministratur tar-reġistru Żvizzeru, l-amministratur ċentrali tal-Unjoni jew iż-żewġ amministraturi flimkien jistgħu jagħlqu il-kollegament bejn ir-reġistri temporanjament, għall-manutenzjoni tas-sistema, minħabba ksur tas-sigurtà jew riskju għas-sigurtà skont il-leġiżlazzjoni Żvizzera u dik tal-Unjoni Ewropea applikabbli. Il-Partijiet għandhom javżaw, malajr kemm jista' jkun, dwar għeluq temporanju tal-kollegament bejn ir-reġistri minħabba manutenzjoni tas-sistema, ksur tas-sigurtà jew riskju għas-sigurtà u għandhom iżommu l-għeluq temporanju qasir kemm jista' jkun.

5.   Il-Partijiet għandhom jaġixxu minnufih u f'kooperazzjoni mill-qrib billi jużaw miżuri disponibbli fil-ġurisdizzjonijiet rispettivi tagħhom għall-prevenzjoni tal-frodi u għall-preservazzjoni tal-integrità tas-suq tal-ETS kollegati. Fil-kuntest tal-ETS kollegati, l-amministratur tar-reġistru Żvizzeru, l-amministratur ċentrali tal-Unjoni u l-amministraturi nazzjonali mill-Istati Membri tal-Unjoni għandhom jaħdmu flimkien biex jiġi minimizzat ir-riskju ta' frodi, l-użu ħażin jew l-attività kriminali li tinvolvi r-reġistri, sabiex jirreaġixxu għal inċidenti bħal dawn, u sabiex tiġi mħarsa l-integrità tal-kollegament bejn ir-reġistri. Il-miżuri miftiehma mill-amministraturi sabiex jiġi indirizzat ir-riskju ta' frodi, l-użu ħażin jew l-attività kriminali għandhom jiġu adottati permezz ta' deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt.

6.   L-amministratur tar-reġistru Żvizzeru u l-amministratur ċentrali tal-Unjoni għandhom jiddeterminaw proċeduri operazzjonali komuni (COP, common operational procedures) relatati ma' kwistjonijiet tekniċi jew oħrajn meħtieġa għall-operat tal-kollegament u b'konsiderazzjoni tal-prijoritajiet tal-leġiżlazzjoni domestika. Il-COP żviluppati mill-amministraturi għandhom jidħlu fis-seħħ meta jiġu adottati permezz ta' deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt.

7.   L-amministratur tar-reġistru Żvizzeru u l-amministratur ċentrali tal-Unjoni għandhom jiżviluppaw Standards Tekniċi tal-Kollegament (LTS) abbażi tal-prinċipji stabbiliti fl-Anness II li jiddeskrivu r-rekwiżiti dettaljati għall-istabbiliment ta' konnessjoni robusta u sigura bejn l-SSTL u l-EUTL. L-LTS żviluppati mill-amministraturi għandhom jidħlu fis-seħħ meta jiġu adottati permezz ta' deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt.

8.   Il-kwistjonijiet li jeħtieġu riżoluzzjoni li tirriżulta mill-implimentazzjoni u mill-operat tal-kollegament bejn ir-reġistri għandhom jiġu solvuti permezz ta' konsultazzjoni f'waqtha bejn l-amministratur tar-reġistru Żvizzeru u l-amministratur ċentrali tal-Unjoni u skont il-COP determinati.

Artikolu 4

Kwoti tal-emissjonijiet u kontabilità

1.   Il-kwoti tal-emissjonijiet li jistgħu jintużaw għall-konformità taħt l-ETS ta' Parti waħda għandhom jiġu rikonoxxuti għall-konformità taħt l-ETS tal-Parti l-oħra.

Il-kwota tal-emissjonijiet tfisser kwota għall-emissjoni ta' tunnellata ta' ekwivalenti għad-diossidu tal-karbonju matul perjodu speċifiku, li tkun inħarġet taħt l-EU ETS jew taħt l-ETS tal-Iżvizzera valida għall-finijiet li tissodisfa r-rekwiżiti taħt l-EU ETS jew l-ETS tal-Iżvizzera.

2.   Ir-restrizzjonijiet eżistenti dwar l-użu ta' kwoti speċifiċi f'ETS waħda jistgħu jiġu applikati fl-ETS l-oħra.

3.   L-ETS li fiha tkun inħarġet kwota tal-emissjonijiet għandha tkun tista' tiġi identifikata mill-amministraturi tar-reġistru u mid-detenturi tal-kontijiet abbażi ta' mill-inqas il-kodiċi tal-pajjiż tan-numru tas-serje tal-kwota tal-emissjonijiet.

4.   Kull Parti għandha tgħarraf lill-Parti l-oħra tal-anqas fuq bażi annwali dwar iż-żamma totali ta' kwoti ta' emissjonijiet maħruġa taħt l-ETS l-oħra, u dwar l-għadd ta' kwoti ta' emissjonijiet maħruġa taħt fl-ETS l-oħra li ġew ċeduti għall-konformità jew li ġew ikkanċellati volontarjament.

5.   Il-partijiet għandhom jagħtu rendikont tal-flussi netti ta' kwoti skont il-prinċipji u r-regoli approvati tal-UNFCCC għall-kontabilità wara d-dħul fis-seħħ tagħhom. Dan il-mekkaniżmu għandu jiġi stabbilit f'Anness għal dan il-Ftehim u għandu jiġi adottat permezz ta' deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt.

6.   Mad-dħul fis-seħħ tat-tieni perjodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kjoto, il-Partijiet għandhom jittrasferixxu jew jakkwistaw għadd suffiċjenti ta' Unitajiet ta' Ammont Assenjat (“AAUs”, Assigned Amount Units) validi għat-tieni perjodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kjoto f'intervall maqbul u fil-każ ta' terminazzjoni skont l-Artikolu 16 biex jagħtu rendikont tal-flussi netti ta' kwoti bejn il-Partijiet sal-punt li dawn il-kwoti ikunu ġew ċeduti mill-operaturi tal-ETS għall-konformità u sal-punt li tali kwoti jirrappreżentaw l-emissjonijiet inklużi fl-Anness A tal-Protokoll ta' Kjoto. Il-mekkaniżmu għal dawn it-tranżazzjonijiet għandu jiġi determinat f'Anness għal dan il-Ftehim, adottat permezz ta' deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt wara d-dħul fis-seħħ tal-emenda tal-Protokoll ta' Kjoto. Dak l-Anness għandu jinkludi wkoll ftehim dwar il-ġestjoni tas-sehem tar-rikavat applikat għall-ewwel trasferiment internazzjonali tal-AAUs.

Artikolu 5

Irkantar

1.   Il-kwoti għandhom jinbiegħu mill-Partijiet permezz ta' rkantar biss.

2.   L-operaturi taħt kwalunkwe ETS għandhom ikunu eliġibbli japplikaw biex jiġu ammessi jissottomettu offerta fl-irkanti għall-kwoti. L-aċċess għal tali rkanti għall-operaturi taħt kwalunkwe ETS għandu jingħata fuq bażi nondiskriminatorja. Sabiex tiġi żgurata l-integrità tal-irkanti, l-eliġibbiltà li japplikaw biex jiġu ammessi għall-irkanti tista' tiġi estiża biss għal kategoriji oħra ta' parteċipanti li huma regolati taħt il-liġijiet ta' Parti jew li huma speċifikament awtorizzati jipparteċipaw fl-irkanti.

3.   L-irkant għandu jsir b'mod miftuħ, trasparenti u nondiskriminatorju u skont il-kriterji stabbiliti fl-Anness I, il-Parti D.

KAPITOLU III

AVJAZZJONI

Artikolu 6

Inklużjoni tal-attivitajiet tal-avjazzjoni

Il-Partijiet għandhom jinkludu l-attivitajiet tal-avjazzjoni fl-ETS rispettivi tagħhom skont il-kriterji essenzjali stabbiliti fl-Anness I, il-Parti B. L-inklużjoni tal-attivitajiet tal-avjazzjoni fl-ETS tal-Iżvizzera għandha tirrifletti l-istess prinċipji bħal dawk tal-EU ETS, b'mod partikolari fir-rigward tar-regoli ta' kopertura, ta' limitu u ta' allokazzjoni.

Artikolu 7

Reviżjoni ta' dan il-Ftehim fil-każ ta' tibdil li jikkonċerna l-attivitajiet tal-avjazzjoni

1.   Fil-każ ta' tibdil li jittratta l-attivitajiet tal-avjazzjoni fl-EU ETS, il-Kumitat Konġunt għandu jirrevedi l-Anness I, il-Parti B korrispondenti, skont l-Artikolu 13(2).

2.   Fi kwalunkwe każ, il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa' sal-aħħar tal-2018 biex jirrevedi d-dispożizzjonijiet rilevanti ta' dan il-Ftehim fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni tal-kopertura tal-attivitajiet tal-avjazzjoni skont l-Artikolu 13(2).

KAPITOLU IV

INFORMAZZJONI SENSITTIVA U SIGURTÀ

Artikolu 8

Informazzjoni sensittiva

1.   'Informazzjoni sensittiva' tfisser informazzjoni u materjal kemm jekk f'forma verbali, viżiva, elettronika, manjetika jew dokumentata, inkluż tagħmir u teknoloġija, li tkun ingħatat jew ġiet skambjata bejn il-Partijiet b'rabta ma' dan il-Ftehim u (i) li l-iżvelar mhux awtorizzat tagħha jista' jikkawża diversi gradi ta' ħsara jew dannu għall-interessi tal-Iżvizzera, tal-Unjoni jew ta' Stat Membru wieħed jew aktar tal-Unjoni; (ii) li teħtieġ protezzjoni kontra żvelar mhux awtorizzat fl-interessi tas-sigurtà ta' waħda mill-Partijiet; u (iii) li ġġorr marka tas-sensittività assenjata minn waħda mill-Partijiet.

2.   Mingħajr preġudizzju għal-liġijiet u r-regolamenti rispettivi tal-Partijiet, kull Parti għandha tipproteġi l-informazzjoni sensittiva, b'mod partikolari kontra żvelar mhux awtorizzat jew telf ta' integrità, skont ir-rekwiżiti tas-sigurtà, il-livelli ta' sensittività u l-istruzzjonijiet ta' trattament stabbiliti fl-Annessi II, III, u IV rispettivament. “Trattament” tinkludi l-ġenerazzjoni, l-ipproċessar, il-ħżin, it-trażmissjoni jew il-qerda tal-informazzjoni sensittiva jew ta' kwalunkwe informazzjoni oħra li tinsab fiha.

Artikolu 9

Livelli ta' sensittività

1.   Kull Parti hija unikament responsabbli għall-immarkar tal-informazzjoni li tirrilaxxa bħala sensittiva u għat-tnaqqis fil-grad jew għat-tneħħija tal-livell ta' sensittività tal-informazzjoni li tkun irrilaxxat. Fejn l-informazzjoni sensittiva tiġi rilaxxata b'mod konġunt mill-Partijiet, il-Partijiet għandhom jaqblu flimkien dwar l-immarkar u l-livell ta' sensittività, kif ukoll dwar it-tnaqqis fil-grad u t-tneħħija tal-livell ta' sensittività.

2.   L-informazzjoni sensittiva għandha tiġi mmarkata ETS KRITIKA, ETS SENSITTIVA jew ETS LIMITATA skont il-livell ta' sensittiva tagħha stabbilit fl-Anness III.

3.   L-oriġinatur tal-informazzjoni sensittiva tal-Parti li tirrilaxxaha għandu jnaqqas il-grad tal-informazzjoni sensittiva għal livell aktar baxx ta' sensittività hekk kif din ma tibqax teħtieġ grad ogħla ta' protezzjoni u għandu jneħħi l-istatus ta' sensittività hekk kif l-informazzjoni ma tibqax teħtieġ protezzjoni kontra żvelar mhux awtorizzat jew telf ta' integrità.

4.   Il-Parti li tirrilaxxaha għandha tinforma lill-Parti riċeventi dwar kwalunkwe informazzjoni sensittiva ġdida u l-livell ta' sensittività tagħha, kif ukoll dwar kwalunkwe tnaqqis fil-grad tal-livell ta' sensittività jew it-tneħħija ta' status ta' sensittività.

5.   Il-Partijiet għandhom jistabbilixxu u jżommu lista kondiviża ta' informazzjoni sensittiva.

KAPITOLU V

ŻVILUPP TAL-LEĠIŻLAZZJONI

Artikolu 10

Żvilupp tal-leġiżlazzjoni

1.   Dan il-Ftehim huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' kull Parti li temenda jew li tadotta leġiżlazzjoni ta' rilevanza għal dan il-Ftehim, inkluż id-dritt li tadotta miżuri protettivi aktar stretti.

2.   Fejn Parti tkun qed tiżviluppa leġiżlazzjoni f'qasam ta' rilevanza għal dan il-Ftehim, hija għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra bil-miktub, b'mod f'waqtu. Għal dan il-għan, il-Kumitat Konġunt għandu jwaqqaf proċess ta' skambju regolari ta' tagħrif u konsultazzjoni.

3.   Wara notifika skont il-paragrafu 2, kwalunkwe Parti tista' titlob skambju ta' fehmiet dwar dan fi ħdan il-Kumitat Konġunt skont l-Artikolu 13(4), b'mod partikolari biex jiġi vvalutat jekk il-leġiżlazzjoni hijiex ser taffettwa b'mod dirett il-kriterji stabbiliti fl-Anness I.

4.   Meta Parti tadotta proposta għal att leġiżlattiv ta' rilevanza għal dan il-Ftehim, għandha tintbagħat kopja tagħha lir-rappreżentant(i) tal-Parti l-oħra fil-Kumitat Konġunt.

5.   Mal-adozzjoni ta' att leġiżlattiv ta' rilevanza għal dan il-Ftehim minn Parti waħda, għandha tintbagħat kopja tiegħu lir-rappreżentant(i) tal-Parti l-oħra fil-Kumitat Konġunt.

6.   Fejn il-Kumitat Konġunt jikkonkludi li l-att leġiżlattiv jaffettwa direttament il-kriterji stabbiliti fl-Anness I, huwa għandu jiddeċiedi dwar emenda korrispondenti tal-parti rilevanti tal-Anness I. Dik id-deċiżjoni għandha tittieħed f'perjodu ta' sitt xhur mid-data ta' riferiment lill-Kumitat Konġunt.

7.   Fejn deċiżjoni dwar emenda tal-Anness I ma tkunx tista' tintlaħaq fil-perjodu msemmi fil-paragrafu 6, il-Kumitat Konġunt għandu jeżamina, fi żmien tmien xhur mid-data ta' riferiment, il-possibiltajiet l-oħrajn kollha biex jinżamm il-funzjonament tajjeb ta' dan il-Ftehim u għandu jieħu kwalunkwe deċiżjoni meħtieġa għal dak il-għan.

Artikolu 11

Koordinazzjoni

1.   Il-Partijiet għandhom jikkoordinaw f'oqsma ta' rilevanza għal dan il-Ftehim, u, b'mod partikolari, dwar il-kriterji stabbiliti fl-Annessi, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa ta' dan il-Ftehim u l-integrità kontinwa tal-ETS tal-Partijiet, kif ukoll tiġi evitata r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u d-distorsjoni bla bżonn tal-kompetizzjoni bejn l-ETS kollegati.

2.   Tali koordinazzjoni għandha, b'mod partikolari, issir permezz tal-iskambju formali u informali jew l-għoti ta' informazzjoni u, fuq talba ta' Parti, permezz ta' konsultazzjonijiet fil-Kumitat Konġunt.

KAPITOLU VI

KUMITAT KONĠUNT

Artikolu 12

Kompożizzjoni u funzjonament tal-Kumitat Konġunt

1.   Huwa stabbilit Kumitat Konġunt magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet.

2.   Kwalunkwe Parti tista' titlob li tissejjaħ laqgħa. Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa' fi żmien 30 jum minn tali talba.

3.   Id-deċiżjonijiet li jittieħdu mill-Kumitat Konġunt fil-każijiet previsti f'dan il-Ftehim għandhom, mad-dħul fis-seħħ tagħhom, jorbtu lill-Partijiet, li għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tagħhom.

4.   Il-Kumitat Konġunt għandu jistabbilixxi r-regoli ta' proċedura tiegħu. Għandu jkun hemm il-qbil taż-żewġ Partijiet dwar id-deċiżjonijiet li jittieħdu mill-Kumitat Konġunt.

5.   Il-Kumitat Konġunt jista' jiddeċiedi li jistabbilixxi sottokumitati jew gruppi ta' ħidma li jistgħu jgħinuh fil-ħidma tiegħu.

Artikolu 13

Funzjonijiet tal-Kumitat Konġunt

1.   Il-Kumitat Konġunt għandu jamministra dan il-Ftehim u għandu jiżgura l-implimentazzjoni korretta tiegħu.

2.   Il-Kumitat Konġunt jista' jiddeċiedi li jadotta Anness ġdid jew li jemenda Anness eżistenti ta' dan il-Ftehim.

3.   Il-Kumitat Konġunt għandu jiddiskuti emendi għall-Artikoli ta' dan il-Ftehim proposti minn waħda mill-Partijiet. Jekk il-Kumitat Konġunt jaqbel mal-proposta, għandu jissottometti l-proposta lill-Partijiet għall-adozzjoni skont il-proċeduri interni rispettivi tagħhom.

4.   Fuq talba magħmula skont l-Artikolu 10(3), il-Kumitat Konġunt għandu jżomm skambju ta' fehmiet dwar il-leġiżlazzjoni proposta, b'mod partikolari jekk din hijiex ser twassal biex l-ETS tal-Parti rispettiva ma tibqax tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Annessi.

5.   Mas-sospensjoni jew qabel in-notifika ta' terminazzjoni ta' dan il-Ftehim skont l-Artikoli 15 u 16, il-Kumitat Konġunt għandu jżomm skambju ta' fehmiet u għandu jfittex li jintlaħaq ftehim biex tintemm is-sospensjoni jew tiġi evitata t-terminazzjoni.

6.   Il-Kumitat Konġunt għandu jaħdem biex id-disputi riferuti lilu mill-Partijiet jiġi solvut, f'konformità mal-Artikolu 14.

7.   Il-Kumitat Konġunt għandu jwettaq reviżjonijiet perjodiċi ta' dan il-Ftehim fid-dawl ta' kwalunkwe żviluppi maġġuri fi kwalunkwe mill-ETS, inkluż dwar is-sorveljanza tas-suq jew il-bidu ta' perjodu ta' skambju ġdid, sabiex b'mod partikolari jiġi żgurat li l-kollegament ma jkunx qed jimmina l-miri tat-tnaqqis fl-emissjonijiet domestiċi ta' kwalunkwe waħda mill-Partijiet jew l-integrità u l-funzjonament ordnat tas-swieq tal-karbonju tagħhom.

8.   Il-funzjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandhom ikunu limitati għal dawk stabbiliti f'dan il-Ftehim.

KAPITOLU VII

RIŻOLUZZJONI TA' DISPUTI

Artikolu 14

Riżoluzzjoni ta' disputi

1.   Il-Partijiet għandhom jirreferu d-disputi dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim li jirriżultaw bejniethom lill-Kumitat Konġunt għal riżoluzzjoni.

2.   Fejn il-Kumitat Konġunt ma jirnexxilux jirriżolvi d-disputa b'suċċess fi żmien sitt xhur mid-data tar-referenza, id-disputa għandha tiġi riferuta, fuq talba ta' kwalunkwe waħda mill-Partijiet, lill-Qorti Permanenti ta' Arbitraġġ skont ir-Regoli tal-Qorti Permanenti tal-Arbitraġġ tal-2012.

3.   Fil-każ tas-sospensjoni jew it-terminazzjoni ta' dan il-Ftehim, il-mekkaniżmu għar-riżoluzzjoni ta' disputi għandu jkompli japplika għad-disputi msemmija fil-paragrafu 1 li jkunu nqalgħu matul l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim.

KAPITOLU VIII

SOSPENSJONI U TERMINAZZJONI

Artikolu 15

Sospensjoni tal-Artikolu 4(1)

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16, Parti tista' tissospendi l-applikazzjoni tal-Artikolu 4(1) ta' dan il-Ftehim fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

fejn hija tqis li l-Parti l-oħra mhix konformi, kompletament jew parzjalment, mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 2, l-Artikolu 3(1), l-Artikolu 4(1), l-Artikolu 5(3), l-Artikolu 6, l-Artikolu 8(2), l-Artikolu 10(2), l-Artikolu 10(4) u (5) u l-Artikolu 18(2);

(b)

fejn tiġi notifikata mill-Parti l-oħra bil-miktub bl-intenzjoni tagħha li tikkollega l-ETS tagħha ma' dik ta' Parti terza skont l-Artikolu 18;

(c)

fejn tiġi notifikata mill-Parti l-oħra bil-miktub bl-intenzjoni tagħha li tittermina dan il-Ftehim skont l-Artikolu 16.

2.   Parti għandha tinnotifika d-deċiżjoni tagħha li tissospendi l-Artikolu 4(1) ta' dan il-Ftehim bil-miktub lill-Parti l-oħra flimkien ma' ġustifikazzjoni għas-sospensjoni. Id-deċiżjoni tas-sospensjoni tal-Artikolu 4(1) ta' dan il-Ftehim għandha ssir pubblika minnufih wara n-notifika lill-Parti l-oħra.

3.   Is-sospensjoni tal-Artikolu 4(1) ta' dan il-Ftehim għandha tkun temporanja. Fejn l-Artikolu 4(1) jiġi sospiż skont il-paragrafu 1(a) ta' dan l-Artikolu, is-sospensjoni għandha tintemm bir-riżoluzzjoni tad-disputa skont l-Artikolu 14. Fejn l-Artikolu 4(1) jiġi sospiż skont il-paragrafu 1(b) jew il-paragrafu 1(c) ta' dan l-Artikolu, is-sospensjoni għandha tkun ta' durata temporanja ta' 3 xhur. Il-Parti tista' tiddeċiedi li tqassar jew li testendi d-durata tas-sospensjoni.

4.   Waqt is-sospensjoni, ma għandhomx jiġu ċeduti kwoti għall-konformità f'ETS li minnha ma joriġinawx. It-tranżazzjonijiet l-oħrajn kollha għandhom jibqgħu possibbli.

5.   Fejn ma jkun intalab l-ebda skambju ta' fehmiet fil-Kumitat Konġunt skont l-Artikolu 10(3) mill-mument tat-trażmissjoni tal-proposta leġislattiva sal-limitu ta' żmien stabbilit fl-Artikolu 10(6), jew fejn tali skambju jkun sar u l-Kumitat Konġunt ikun ikkonkluda li l-leġiżlazzjoni l-ġdida ma taffettwax direttament il-kriterji, Parti ma jkollhiex dritt li tissospendi l-applikazzjoni tal-Artikolu 4(1) għar-raġuni li l-Parti l-oħra ma għadhiex konformi mal-obbligu tagħha li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Anness I.

Artikolu 16

Terminazzjoni

1.   Parti tista' tittermina dan il-Ftehim fi kwalunkwe ħin billi tinnotifika lill-Parti l-oħra bid-deċiżjoni tagħha bil-miktub u wara konsultazzjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt. It-terminazzjoni għandha tidħol fis-seħħ sitt xhur wara li tkun saret in-notifika lill-Parti l-oħra. Id-deċiżjoni għandha ssir pubblika wara li tkun saret in-notifika lill-Parti l-oħra.

2.   Fil-każ li ma jkunx hemm estensjoni jew abolizzjoni ta' ETS ta' Parti, dan il-Ftehim għandu jiġi terminat b'mod awtomatiku fl-aħħar jum operattiv tal-ETS inkwistjoni.

3.   Fil-każ ta' terminazzjoni, il-Partijiet għandhom jilħqu ftehim dwar it-tkomplija tal-użu u tal-ħżin tal-informazzjoni li diġà ġiet ikkomunikata bejniethom ħlief għal dejta miżmuma fir-reġistru rispettiv. Jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim, kwalunkwe Parti hija intitolata li titlob li titħassar l-informazzjoni li tkun ġiet ikkomunikata.

KAPITOLU IX

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 17

Implimentazzjoni

1.   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jiżguraw konformità mal-obbligi taħt dan il-Ftehim, inkluż id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt.

2.   Il-Partijiet għandhom jastjenu minn kwalunkwe miżura li tista' tipperikola t-twettiq tal-objettivi ta' dan il-Ftehim.

Artikolu 18

Kollegament ma' Partijiet Terzi

1.   Il-Partijiet jistgħu jinnegozjaw ma' Parti terza bil-ħsieb li jikkollegaw l-ETS rispettivi tagħhom.

2.   Fejn Parti tinnegozja kollegament ma' Parti terza, tal-ewwel għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra b'dan u tinformaha regolarment dwar l-istatus tan-negozjati.

3.   Qabel iseħħ il-kollegament ta' Parti waħda ma' Parti terza, il-Parti l-oħra għandha tiddeċiedi jekk taċċettax il-Ftehim tal-Kollegament l-ieħor jew jekk titterminax dan il-Ftehim. Fejn taċċetta l-Ftehim tal-Kollegament l-ieħor, għandha tintemm is-sospensjoni tal-Artikolu 4(1).

4.   Mal-kollegament ma' Parti terza, id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim jistgħu jiġu riveduti.

Artikolu 19

Annessi

L-Annessi ta' dan il-Ftehim huma parti integrali minnu.

Artikolu 20

Lingwi

Dan il-Ftehim għandu jitfassal f'żewġ eżemplari bil-lingwa Bulgara, Kroata, Ċeka, Daniża, Olandiża, Ingliża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ungeriża, Taljana, Latvjana, Litwana, Maltija, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola u Żvediża, u kull wieħed minn dawn it-testi jkun ugwalment awtentiku.

Artikolu 21

Ratifika u Dħul fis-Seħħ

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16, dan il-Ftehim għandu jiġi konkluż għal perjodu indefinit.

2.   Dan il-Ftehim għandu jkun soġġett għal ratifika jew approvazzjoni mill-Partijiet skont il-proċeduri interni rispettivi tagħhom.

3.   Il-Partijiet għandhom jiskambjaw biss l-istrumenti ta' ratifika jew ta' approvazzjoni tagħhom ladarba jqisu li jkunu ġew sodisfati l-kundizzjonijiet kollha għall-kollegament kif stabbilit f'dan il-Ftehim.

4.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar tas-sena wara l-iskambju tal-istrumenti ta' ratifika jew approvazzjoni mill-Partijiet.

5.   Id-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 4(6) għandu jkun soġġett għad-dħul fis-seħħ għaż-żewġ Partijiet tal-emenda ta' Doha għall-Protokoll ta' Kjoto adottata waqt it-8 Laqgħa tal-Partijiet (id-Deċiżjoni 1/CMP.8; it-tieni perjodu ta' impenn).

Artikolu 22

Applikazzjoni provviżorja

Qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, l-Artikoli 11 sa 13 għandhom jiġu applikati provviżorjament mid-data tal-iffirmar ta' dan il-Ftehim.

Съставено в Берн на двадесет и трети ноември две хиляди и седемнадесета година.

Hecho en Berna el veintitrés de noviembre del año dos mil diecisiete.

V Bernu dne dvacátého třetího listopadu dva tisíce sedmnáct.

Udfærdiget i Bern, den treogtyvende november to tusind og sytten.

Geschehen zu Bern am dreiundzwanzigsten November zweitausendsiebzehn.

Kahe tuhande seitsmeteistkümnenda aasta novembrikuu kahekümne kolmandal päeval Bernis.

Έγινε στη Βέρνη, στις είκοσι τρεις Νοεμβρίου δύο χιλιάδες δεκαεπτά.

Done at Bern on the twenty third day of November in the year two thousand and seventeen.

Fait à Berne, le vingt-trois novembre deux mille dix-sept.

Sastavljeno u Bernu dvadeset trećeg studenoga dvije tisuće sedamnaeste.

Fatto a Berna addì ventitré novembre duemiladiciassette.

Bernē, divi tūkstoši septiņpadsmitā gada divdesmit trešajā novembrī.

Sudarytas Berne du tūkstančiai septynioliktų metų lapkričio dvidešimt trečią dieną.

Kelt Bernben, a kétezer-tizenhetedik év november havának huszonharmadik napján.

Magħmul f'Bern fit-tlieta u għoxrin jum ta' Novembru tas-sena elfejn u sbatax.

Gedaan te Bern, drieëntwintig november tweeduizend zeventien.

Sporządzono w Bernie w dniu dwudziestego trzeciego listopada dwa tysiące siedemnastego roku.

Feito em Berna aos vinte e três dias do mês de novembro de dois mil e dezassete.

Întocmit la Berna la douăzeci și trei noiembrie două mii șaptesprezece.

V Berne dvadsiateho tretieho novembra dvetisíc sedemnásť.

V Bernu, triindvajsetega novembra dva tisoč sedemnajst.

Tehty Bernissä kahdentenakymmenentenäkolmantena päivänä marraskuuta vuonna kaksituhattaseitsemäntoista.

Utfärdat i Bern den tjugotredje november tjugohundrasjutton.

За Европейския съюз

Рог la Unión Europea

Za Evropskou unii

For Den Europæiske Union

Für die Europäische Union

Euroopa Liidu nimel

Για την Ευρωπαϊκή Ένωση

For the European Union

Pour l'Union européenne

Za Europsku uniju

Per l'Unione europea

Eiropas Savienības vārdā –

Europos Sąjungos vardu

Az Európai Unió részéről

Għall-Unjoni Ewropea

Voor de Europese Unie

W imieniu Unii Europejskiej

Pela União Europeia

Pentru Uniunea Europeană

Za Európsku úniu

Za Evropsko unijo

Euroopan unionin puolesta

För Europeiska unionen

Image

За Конфедерация Швейцария

Por la Confederación Suiza

Za Švýcarskou konfederaci

For Det Schweiziske Forbund

Für die Schweizerische Eidgenossenschaft

Šveitsi Konföderatsiooni nimel

Για την Ελβετική Συνομοσπονδία

For the Swiss Confederation

Pour la Confédération suisse

Za Švicarsku Konfederaciju

Per la Confederazione Svizzera

Šveices Konfederācijas vārdā –

Šveicarijos Konfederacijos vardu

A Svájci Államszövetség részéről

Għall-Konfederazzjoni Svizzera

Voor de Zwitserse Bondsstaat

W imieniu Konfederacji Szwajcarskiej

Pela Confederação Suíça

Pentru Confederația Elvețiană

Za Švajčiarsku konfederáciu

Za Švicarsko konfederacijo

Sveitsin valaliiton puolesta

För Schweiziska edsförbundet

Image


ANNESS I

KRITERJI ESSENZJALI

A.   Kriterji Essenzjali għal Installazzjonijiet Stazzjonarji

Kriterji Essenzjali

Fl-EU ETS

Fl-ETS tal-Iżvizzera

In-natura obbligatorja tal-parteċipazzjoni fl-ETS

Il-parteċipazzjoni fl-ETS għandha tkun obbligatorja għall-installazzjonijiet li jwettqu l-attivitajiet u li jemettu l-gassijiet serra (“GHG”) elenkati hawn taħt.

Il-parteċipazzjoni fl-ETS għandha tkun obbligatorja għall-installazzjonijiet li jwettqu l-attivitajiet u li jemettu l-GHG elenkati hawn taħt.

L-ETS għandha tkopri tal-anqas l-attivitajiet stabbiliti fi:

L-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE, kif fis-seħħ fid-data tal-iffirmar ta' dan il-Ftehim

L-Artikolu 40, il-paragrafu 1, u l-Anness 6 tal-Ordinanza tas-CO2, kif fis-seħħ fid-data tal-iffirmar ta' dan il-Ftehim

L-ETS għandha tkopri tal-anqas il-GHG kif stabbilit fi:

L-Anness II tad-Direttiva 2003/87/KE, kif fis-seħħ fid-data tal-iffirmar ta' dan il-Ftehim

L-Artikolu 1, il-paragrafu 1, tal-Ordinanza tas-CO2, kif fis-seħħ fid-data tal-iffirmar ta' dan il-Ftehim

Għandu jiġi ffissat limitu għall-ETS, li jkun tal-anqas strett daqs dak fi:

Id-Direttiva 2003/87/KE kif fis-seħħ fid-data tal-iffirmar ta' dan il-Ftehim

L-Artikolu 18, il-paragrafu 1, tal-Att tas-CO2

L-Artikolu 45, il-paragrafu 1, tal-Ordinanza tas-CO2

kif fis-seħħ fid-data tal-iffirmar ta' dan il-Ftehim

Il-livell ta' ambizzjoni tal-ETS irid ikun tal-anqas strett daqs dak fi:

L-Artikolu 9 u 9a tad-Direttiva 2003/87/KE, kif fis-seħħ fid-data tal-iffirmar ta' dan il-Ftehim

L-Artikolu 3 u l-Artikolu 18, il-paragrafu 1, tal-Att tas-CO2

L-Artikolu 45, il-paragrafu 1 u l-Anness 8, l-Ordinanza tas-CO2

kif fis-seħħ fid-data tal-iffirmar ta' dan il-Ftehim

Il-limiti kwalitattivi għall-krediti internazzjonali għandhom ikunu tal-anqas stretti daqs dawk stabbiliti fi:

L-Artikoli 11a u 11b tad-Direttiva 2003/87/KE

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 550/2011 tas-7 ta' Ġunju 2011 li jiddetermina, skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ċertu restrizzjonijiet applikabbli għall-użu ta' krediti internazzjonali minn proġetti li jinvolvu gassijiet industrijali

L-Artikolu 58 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 389/2013 tat-2 ta' Mejju 2013 li jistabbilixxi Reġistru tal-Unjoni skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Deċiżjonijiet Nri 280/2004/KE u 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nru 920/2010 u Nru 1193/2011,

kif fis-seħħ fid-data tal-iffirmar ta' dan il-Ftehim

L-Artikoli 5 u 6 tal-Att tas-CO2

L-Artikolu 4 u l-Artikolu 4a, il-paragrafu 1, u l-Anness 2, tal-Ordinanza tas-CO2,

kif fis-seħħ fid-data tal-iffirmar ta' dan il-Ftehim

Il-limiti kwalitattivi għall-krediti internazzjonali għandhom ikunu tal-anqas stretti daqs dawk stabbiliti fi:

L-Artikolu 11a tad-Direttiva 2003/87/KE

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 389/2013 tat-2 ta' Mejju 2013 li jistabbilixxi Reġistru tal-Unjoni skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Deċiżjonijiet Nri 280/2004/KE u 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nri 920/2010 u 1193/2011

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1123/2013 tat-8 ta' Novembru 2013 dwar id-determinazzjoni tad-drittijiet ta' kreditu internazzjonali skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

kif fis-seħħ fid-data tal-iffirmar ta' dan il-Ftehim

L-Artikolu 3, il-paragrafu 2 u l-Artikolu 16, il-paragrafu 2, tal-Att tas-CO2

L-Artikolu 48 tal-Ordinanza tas-CO2

kif fis-seħħ fid-data tal-iffirmar ta' dan il-Ftehim

L-allokazzjoni bla ħlas għandha tiġi kkalkulata abbażi ta' parametri referenzjarji u fatturi ta' aġġustament. Matul il-perjodu ta' bejn l-2013 u l-2020 għandu jitwarrab massimu ta' perċentwal ta' ħamsa tal-kwantità ta' kwoti għal entrati ġodda. Il-kwoti li ma jiġux allokati bla ħlas għandhom jiġu rkantati. Għal dan il-għan, l-ETS għandha tal-anqas tissodisfa:

L-Artikoli 10, 10a, 10b, u 10c tad-Direttiva 2003/87/KE

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE tas-27 ta' April 2011 li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

Kalkoli għad-determinazzjoni tal-fattur ta' korrezzjoni transsettorjali fl-EU ETS bejn l-2013 u l-2020

Lista ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju tal-2014

kif fis-seħħ fid-data tal-iffirmar ta' dan il-Ftehim

L-Artikolu 18, il-paragrafu 2 u l-Artikolu 19, il-paragrafi 2 u 3, tal-Att tas-CO2

L-Artikolu 45, il-paragrafi 2, l-Artikoli 46 u 47 u l-Annessi 9 tal-Ordinanza tas-CO2

kif fis-seħħ fid-data tal-iffirmar ta' dan il-Ftehim

L-ETS għandha tipprevedi penali fl-istess ċirkostanzi u tal-istess daqs kif stabbilit fi:

L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2003/87/KE, kif fis-seħħ fid-data tal-iffirmar ta' dan il-Ftehim

L-Artikolu 21 tal-Att tas-CO2

L -Artikolu 56 tal-Ordinanza tas-CO2

kif fis-seħħ fid-data tal-iffirmar ta' dan il-Ftehim

Il-monitoraġġ u r-rapportar fl-ETS għandhom ikunu tal-anqas stretti daqs fi:

L-Artikolu 14 u l-Anness IV tad-Direttiva 2003/87/KE

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012 tal-21 ta' Ġunju 2012 dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta' emissjonijiet ta' GHG skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

kif fis-seħħ fid-data tal-iffirmar ta' dan il-Ftehim

L-Artikolu 20 tal-Att tas-CO2

L-Artikoli 49, 50 sa 53 u 55 tal-Ordinanza tas-CO2

kif fis-seħħ fid-data tal-iffirmar ta' dan il-Ftehim

Il-verifika u l-akkreditament fl-ETS għandhom ikunu tal-anqas stretti daqs fi:

L-Artikolu 15 u l-Anness V tad-Direttiva 2003/87/KE

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 600/2012 tal-21 ta' Ġunju 2012 dwar il-verifika tar-rapporti dwar l-emissjonijiet tal-GHG u r-rapporti dwar it-tunnellati kilometri u l-akkreditazzjoni tal-verifikaturi skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

kif fis-seħħ fid-data tal-iffirmar ta' dan il-Ftehim

L-Artikoli 51 sa 54 tal-Ordinanza tas-CO2, kif fis-seħħ fid-data tal-iffirmar ta' dan il-Ftehim

B.   Kriterji essenzjali għall-Avjazzjoni

Kriterji essenzjali

Għall-UE

Għall-Iżvizzera

In-natura obbligatorja tal-parteċipazzjoni fl-ETS

Il-parteċipazzjoni fl-ETS għandha tkun obbligatorja għall-attivitajiet tal-avjazzjoni skont il-kriterji elenkati hawn taħt.

Il-parteċipazzjoni fl-ETS għandha tkun obbligatorja għall-attivitajiet tal-avjazzjoni skont il-kriterji elenkati hawn taħt.

Kopertura ta' attivitajiet tal-avjazzjoni u ta' GHG u l-attribuzzjoni ta' titjiriet u l-emissjonijiet rispettivi tagħhom skont il-prinċipju tat-titjira li tkun sejra titlaq kif stabbilit fi:

Id-Direttiva 2003/87/KE

L-Artikoli 17, 29, 35 u 56, u l-Anness VII tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 389/2013 tat-2 ta' Mejju 2013 li jistabbilixxi Reġistru tal-Unjoni skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Deċiżjonijiet Nri 280/2004/KE u 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nri 920/2010 u 1193/2011

It-titjiriet minn ajrudromi li jinsabu fit-territorju tal-Iżvizzera lejn ajrudromi li jinsabu fiż-Żona Ekonomika Ewropea (“ŻEE”) għandhom jiġu esklużi mill-EU ETS mill-2017, skont l-Artikolu 25a tad-Direttiva 2003/87/KE

L-Att tas-CO2 u l-Ordinanza tas-CO2 kif fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim:

1.   Kamp ta' applikazzjoni tal-kopertura

Titjiriet li jaslu fi jew li jitilqu minn ajrudrom li jinsab fit-territorju tal-Iżvizzera, ħlief għal titjiriet li jitilqu minn ajrudrom li jinsab fiż-ŻEE.

Kwalunkwe deroga temporanja fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni tal-ETS, bħal derogi fis-sens tal-Artikolu 28a tad-Direttiva 2003/87/KE, tista' tapplika fl-ETS tal-Iżvizzera b'mod konformi ma' dawk introdotti fl-EU ETS. L-emissjonijiet tas-CO2 biss għandhom ikunu koperti għall-attivitajiet tal-avjazzjoni.

2.   Limitazzjonijiet tal-kopertura

Il-kopertura ġenerali msemmija fil-punt 1 ma għandhiex tinkludi:

1.

Titjiriet imwettqa esklussivament għat-trasport fuq missjoni uffiċjali ta' Monarka renjanti u l-familja immedjata tiegħu/tagħha, Kapijiet ta' Stat, Kapijiet ta' Gvern u Ministri ta' Gvern, fejn dan huwa ssostanzjat minn indikatur xieraq tal-istatus fil-pjan tat-titjira;

2.

Titjiriet militari, tad-dwana u tal-pulizija;

3.

Titjiriet relatati ma' tiftix u salvataġġ, titjiriet għat-tifi tan-nar, titjiriet umanitarji u titjiriet ta' servizzi mediċi ta' emerġenza;

4.

Titjiriet imwettqa esklussivament skont ir-regoli tat-titjir viżwali kif definit fl-Anness 2 tal-Konvenzjoni tas-7 ta' Diċembru 1944 dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali;

5.

Titjiriet li jitterminaw fl-ajrudrom minn fejn ikun telaq l-inġenju tal-ajru u li matulhom ma jkun sar ebda nżul intermedjarju ppjanat;

6.

Titjiriet ta' taħriġ li jsiru esklussivament sabiex tinkiseb jew tinżamm liċenzja, jew klassifikazzjoni fil-każ ta' ekwipaġġ tat-titjira tal-kabina fejn dan jiġi ssostanzjat permezz ta' rimarka adegwata fil-pjan tat-titjira diment li t-titjira ma tkunx qed isservi ta' trasport ta' passiġġieri u/jew ta' merkanzija jew għall-ippożizzjonar jew it-trasportazzjoni tal-inġenju tal-ajru nnifsu;

7.

Titjiriet imwettqa esklussivament għall-fini ta' riċerka xjentifika;

8.

Titjiriet imwettqa esklussivament għall-fini ta' verifika, ittestjar jew ċertifikazzjoni ta' inġenju tal-ajru jew ta' tagħmir kemm jekk fl-ajru kif ukoll jekk ibbażat fuq l-art;

9.

Titjiriet imwettqa minn inġenju tal-ajru b'massa massima ta' tluq ċertifikata ta' inqas minn 5 700 kilogramma.

10.

Titjiriet ta' operaturi ta' inġenji tal-ajru kummerċjali b'emissjonijiet annwali totali ta' inqas minn 10 000 tunnellata fis-sena fuq titjiriet koperti mill-ETS tal-Iżvizzera jew b'inqas minn 243 titjira għal kull perjodu għal tliet perjodi konsekuttivi ta' erba' xhur fil-kamp ta' applikazzjoni tal-ETS tal-Iżvizzera, jekk l-operaturi ma jkunux koperti mill-EU ETS.

11.

Titjiriet ta' operaturi ta' inġenji tal-ajru mhux kummerċjali koperti mill-ETS tal-Iżvizzera b'emissjonijiet annwali totali ta' inqas minn 1 000 tunnellata fis-sena skont id-deroga rispettiva applikata fl-EU ETS, jekk l-operaturi ma jkunux koperti mill-EU ETS.

Skambju ta' dejta rilevanti dwar l-applikazzjoni tal-limitazzjonijiet tal-kopertura ta' attivitajiet tal-avjazzjoni

Iż-żewġ partijiet għandhom jikkooperaw fir-rigward tal-applikazzjoni tal-limitazzjonijiet tal-kopertura fl-ETS tal-Iżvizzera u fl-EU ETS għall-operaturi kummerċjali u mhux kummerċjali skont dan l-Anness. B'mod partikolari, iż-żewġ partijiet għandhom jiżguraw it-trasferiment f'waqtu tad-dejta rilevanti kollha sabiex tkun tista' ssir identifikazzjoni korretta tat-titjiriet u tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru li huma koperti mill-ETS tal-Iżvizzera u l-EU ETS.

Limitu (kwantità totali ta' kwoti li għandha tiġi allokata lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru)

L-Artikolu 3c tad-Direttiva 2003/87/KE.

Il-limitu għandu jirrifletti livell simili ta' strettezza bħal dak fl-EU ETS, b'mod partikolari fir-rigward tar-rata perċentwali ta' tnaqqis bejn is-snin u l-perjodi ta' negozjar. Il-kwoti fil-limitu għandhom jiġu allokati kif ġej:

15 % għandhom jiġu rkantati,

3 % għandhom jitwarrbu f'riżerva speċjali,

82 % għandhom jiġu allokati mingħajr ħlas.

Din id-distribuzzjoni tista' tiġi riveduta skont l-Artikoli 6 u 7 ta' dan il-Ftehim.

Sal-2020, il-kwantità ta' kwoti fi ħdan il-limitu għandha tiġi kkalkulata minn isfel għal fuq abbażi tal-kwoti li għandhom jiġu allokati bla ħlas skont id-distribuzzjoni tal-limitu kif imsemmi hawn fuq. Kwalunkwe deroga temporanja fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni tal-ETS għandha teħtieġ l-aġġustamenti proporzjonali korrispondenti għall-ammonti li jridu jiġu allokati.

Mill-2021, il-kwantità ta' kwoti fi ħdan il-limitu għandha tiġi determinata mil-limitu fl-2020, filwaqt li titqies rata perċentwali ta' tnaqqis possibbli skont l-EU ETS.

L-allokazzjoni ta' kwoti għall-avjazzjoni permezz tal-irkantar ta' kwoti

L-Artikolu 3d tad-Direttiva 2003/87/KE.

Il-kwoti tal-emissjonijiet Żvizzeri għall-irkantar għandhom jiġu rkantati mill-awtorità kompetenti Żvizzera. L-Iżvizzera hija intitolata għad-dħul iġġenerat mill-irkant tal-kwoti Żvizzeri.

Riżerva speċjali għal ċerti operaturi ta' inġenji tal-ajru

L-Artikolu 3f tad-Direttiva 2003/87/KE.

Il-kwoti għandhom jitwarrbu f'riżerva speċjali għal parteċipanti ġodda u għal dawk bi tkabbir mgħaġġel, ħlief li sal-2020, minħabba li s-sena ta' referenza għall-akkwist ta' dejta għall-attivitajiet Żvizzeri tal-avjazzjoni għandha tkun l-2018, l-Iżvizzera mhux ser ikollha riżerva speċjali.

Parametru referenzjarju għall-allokazzjoni bla ħlas ta' kwoti għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru.

L-Artikolu 3e tad-Direttiva 2003/87/KE.

Il-parametru referenzjarju ma għandux ikun għola minn dak fl-EU ETS.

Sal-2020, il-parametru referenzjarju annwali għandu jkun ta' 0,000642186914222035 ta' kwota għal kull tunnellata-kilometru.

Allokazzjoni bla ħlas ta' kwoti tal-emissjonijiet għall-operaturi ta' inġenji tal-ajru

L-Artikolu 3e tad-Direttiva 2003/87/KE.

L-aġġustamenti għandhom isiru skont l-Artikolu 25a tad-Direttiva 2003/87/KE, għall-ħruġ ta' kwoti b'mod proporzjonali mal-obbligi korrispondenti ta' rapportar u ta' ċediment li jirriżultaw mill-kopertura attwali taħt l-EU ETS ta' titjiriet bejn iż-ŻEE u l-Iżvizzera.

L-għadd ta' kwoti tal-emissjonijiet li jiġu allokati bla ħlas lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru jiġi kkalkulat permezz tal-multiplikazzjoni tad-dejta dwar tunnellati-kilometru rapportata tagħhom mwettqa fis-sena ta' referenza mal-parametru referenzjarju applikabbli.

Il-limiti kwalitattivi għall-krediti internazzjonali għandhom ikunu tal-anqas stretti daqs dawk stabbiliti fi:

L-Artikoli 11a u 11b tad-Direttiva 2003/87/KE, u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 389/2013 tat-2 ta' Mejju 2013 li jistabbilixxi Reġistru tal-Unjoni skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Deċiżjonijiet Nri 280/2004/KE u 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nri 920/2010 u 1193/2011.

L-Artikoli 5 u 6 tal-Att tas-CO2

L-Artikolu 4 u l-Artikolu 4a, il-paragrafu 1, u l-Anness 2 tal-Ordinanza tas-CO2

kif fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim.

Limiti kwantitattivi għall-użu ta' krediti internazzjonali.

L-Artikolu 11a tad-Direttiva 2003/87/KE.

L-użu għandu jkun ta' 1,5 % ta' emissjonijiet verifikati sal-2020.

Kisba ta' dejta dwar tunnellata-kilometru għas-sena ta' referenza

L-Artikolu 3e tad-Direttiva 2003/87/KE.

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjoni hawn taħt, il-kisba ta' dejta dwar tunnellati-kilometru għandha ssir fl-istess ħin u bl-istess metodu bħall-kisba ta' dejta dwar tunnellati-kilometru għall-EU ETS.

Sal-2020 u skont l-Ordinanza dwar il-Kisba ta' Dejta dwar Tunnellati-Kilometru mwettqa mill-Operaturi tal-Inġenji tal-Ajru kif fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, is-sena ta' referenza għall-kisba ta' dejta għall-attivitajiet Żvizzeri tal-avjazzjoni għandha tkun l-2018.

Monitoraġġ u rapportar

L-Artikolu 14 u l-Anness IV tad-Direttiva 2003/87/KE

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012 tal-21 ta' Ġunju 2012 dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta' emissjonijiet ta' GHG skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

kif fis-seħħ fid-data tal-iffirmar ta' dan il-Ftehim

Id-dispożizzjonijiet dwar il-monitoraġġ u r-rapportar għandhom jirriflettu l-istess livell ta' strettezza bħal fl-EU ETS.

Verifika u akkreditament

L-Artikolu 15 u l-Anness V tad-Direttiva 2003/87/KE

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 600/2012 tal-21 ta' Ġunju 2012 dwar il-verifika tar-rapporti dwar l-emissjonijiet tal-GHG u r-rapporti dwar it-tunnellati kilometri u l-akkreditazzjoni tal-verifikaturi skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

kif fis-seħħ fid-data tal-iffirmar ta' dan il-Ftehim

Id-dispożizzjonijiet dwar il-verifika u l-akkreditament għandhom jirriflettu l-istess livell ta' strettezza bħal fl-EU ETS.

Amministrazzjoni

Għandhom japplikaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 18a tad-Direttiva 2003/87/KE. Għal dan il-għan u skont l-Artikolu 25a tad-Direttiva 2003/87/KE, l-Iżvizzera għandha titqies bħala Stat Membru Amministrattiv fir-rigward tal-attribuzzjoni tal-amministrazzjoni tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru lill-Iżvizzera u lill-Istati Membri tal-UE (ŻEE).

Skont l-Artikolu 25a tad-Direttiva 2003/87/KE, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tal-UE (ŻEE) għandhom ikunu responsabbli għall-kompiti kollha relatati mal-amministrazzjoni tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru attribwiti lilhom, inklużi wkoll dawk il-kompiti relatati mal-ETS tal-Iżvizzera (eż. ir-riċeviment ta' rapporti verifikati dwar l-emissjonijiet li jkopru kemm l-attivitajiet tal-avjazzjoni tal-UE kif ukoll tal-Iżvizzera, l-allokazzjoni u l-ħruġ u t-trasferiment ta' kwoti, il-konformità u l-infurzar, eċċ.)

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tiftiehem bilateralment mal-awtoritajiet kompetenti Żvizzeri dwar it-trasferiment tad-dokumentazzjoni u tal-informazzjoni rilevanti.

B'mod partikolari, il-Kummissjoni Ewropea għandha tiżgura t-trasferiment, lill-awtoritajiet kompetenti Żvizzeri skont l-Artikolu 25a tad-Direttiva 2003/87/KE, tal-ammont ta' kwoti tal-UE meħtieġa għall-allokazzjoni bla ħlas ta' operaturi tal-inġenji tal-ajru amministrati mill-Iżvizzera.

Fil-każ ta' ftehim bilaterali dwar l-amministrazzjoni ta' titjiriet li joperaw fir-rigward ta' EuroAirport Basel-Mulhouse-Freiburg li ma jinvolvix emendi għad-Direttiva 2003/87/UE, il-Kummissjoni Ewropea għandha, skont kif ikun xieraq, tiffaċilita l-implimentazzjoni ta' dan il-ftehim, sakemm dan ma jwassalx għal għadd doppju.

Skont l-Ordinanza tas-CO2 kif fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, l-Iżvizzera għandha tkun responsabbli għall-amministrazzjoni ta' operaturi tal-inġenji tal-ajru:

b'liċenzja operattiva valida li tkun ingħatat mill-Iżvizzera, jew

bl-akbar emissjonijiet attribwiti lill-avjazzjoni stmati fl-Iżvizzera taħt l-ETS kollegati.

L-awtoritajiet kompetenti Żvizzeri għandhom ikunu responsabbli għall-kompiti kollha relatati mal-amministrazzjoni tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru attribwiti lill-Iżvizzera, inklużi l-kompiti relatati mal-EU ETS (eż. ir-riċeviment ta' rapporti verifikati dwar l-emissjonijiet li jkopru kemm l-attivitajiet tal-avjazzjoni, tal-allokazzjoni u tal-ħruġ u tat-trasferiment ta' kwoti, il-konformità u l-infurzar, eċċ., tal-UE kif ukoll tal-Iżvizzera).

L-awtoritajiet kompetenti Żvizzeri għandhom jiftiehmu bilateralment mal-Kummissjoni Ewropea dwar it-trasferiment tad-dokumentazzjoni u tal-informazzjoni rilevanti.

B'mod partikolari, l-awtoritajiet kompetenti Żvizzeri għandhom jittrasferixxu lill-awtoritajiet kompetenti tal-UE l-ammont ta' kwoti Żvizzeri meħtieġa għall-allokazzjoni bla ħlas ta' operaturi tal-inġenji tal-ajru amministrati mill-Istati Membri tal-UE (ŻEE).

Infurzar legali

Il-Partijiet għandhom jinfurzaw id-dispożizzjonijiet tal-ETS rispettivi tagħhom fir-rigward ta' operaturi tal-inġenji tal-ajru li ma jissodisfawx l-obbligi fl-ETS rispettiva, irrispettivament minn jekk l-operatur ikunx amministrat minn awtorità kompetenti tal-UE (ŻEE) jew minn awtorità kompetenti Żvizzera fil-każ li l-infurzar mill-awtorità li tkun qed tamministra lill-operatur ikun jeħtieġ azzjoni addizzjonali.

Attribuzzjoni amministrattiva tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru

Skont l-Artikolu 25a tad-Direttiva 2003/87/KE, il-lista tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru ppubblikata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 18a(3) tad-Direttiva 2003/87/KE għandha tispeċifika l-Istat amministrattiv, inkluża l-Iżvizzera, għal kull operatur ta' inġenju tal-ajru.

L-operaturi tal-inġenji tal-ajru li jiġu attribwiti lill-Iżvizzera għall-ewwel darba wara d-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim għandhom jiġu amministrati mill-Iżvizzera wara t-30 ta' April tas-sena ta' attribuzzjoni u qabel l-1 ta' Awwissu tas-sena ta' attribuzzjoni.

Iż-żewġ partijiet għandhom jikkooperaw billi jikkondividu d-dokumentazzjoni u l-informazzjoni rilevanti.

L-attribuzzjoni ta' operatur ta' inġenju tal-ajru m'għandhiex taffettwa l-kopertura ta' dak l-operatur ta' inġenju tal-ajru mill-ETS rispettiva (jiġifieri, operatur kopert mill-EU ETS amministrat mill-awtorità kompetenti Żvizzera għandu jkollu l-istess livell ta' obbligi taħt l-EU ETS flimkien mal-koperatura tiegħu taħt l-ETS Żvizzera, u viċi versa).

Modalitajiet għall-implimentazzjoni

Kwalunkwe modalità addizzjonali meħtieġa għall-organizzazzjoni tax-xogħol u għall-kooperazzjoni fi ħdan il-punt uniku ta' servizz għad-detenturi ta' kontijiet tal-avjazzjoni għandha tiġi żviluppata u adottata mill-Kumitat Konġunt wara l-iffirmar ta' dan il-Ftehim, skont l-Artikoli 12, 13 u 22 ta' dan il-Ftehim. Dawn il-modalitajiet għandhom jibdew japplikaw fl-istess ħin bħal dan il-Ftehim.

Assistenza minn Eurocontrol

Għall-parti tal-avjazzjoni ta' dan il-Ftehim, il-Kummissjoni Ewropea għandha tinkludi lill-Iżvizzera fi ħdan il-mandat mogħti lill-Eurocontrol fir-rigward tal-EU ETS.

C.   Kriterji Essenzjali għar-Reġistri

L-ETS ta' kull parti għandha tinkludi reġistru u reġistru tat-tranżazzjonijiet, li għandhom jissodisfaw il-kriterji essenzjali li ġejjin fir-rigward ta' mekkaniżmi u proċeduri ta' sigurtà u relattivament għall-ftuħ u l-amministrazzjoni tal-kontijiet.

Kriterji Essenzjali relattivament għall-Mekkaniżmi u Proċeduri tas-Sigurtà:

Ir-reġistri u r-reġistri tat-tranżazzjonijiet għandhom jipproteġu l-kunfidenzjalità, l-integrità, id-disponibbiltà u l-awtentiċità tad-dejta maħżuna fis-sistema. Għal dan il-għan, il-Partijiet għandhom jimplimentaw il-mekkaniżmi ta' sigurtà li ġejjin:

Kriterji Essenzjali

Biex jiġu aċċessati l-kontijiet, hemm bżonn ta' mekkaniżmu ta' awtentikazzjoni b'żewġ fatturi għall-utenti kollha li jaċċessaw il-kont.

Kemm biex tinbeda tranżazzjoni kif ukoll biex din tiġi approvata hemm bżonn ta' mekkaniżmu ta' ffirmar tat-tranżazzjoni. Il-kodiċi ta' konferma għandu jintbagħat lill-utenti barra mill-kanal fiss ta' komunikazzjoni.

Kwalunkwe waħda mill-operazzjonijiet segwenti għandha tinbeda minn persuna waħda u tiġi approvata minn oħra (il-prinċipju ta' 4-għajnejn):

l-operazzjonijiet kollha mwettqa minn amministratur, sakemm ma japplikawx eċċezzjonijiet kif definiti fl-LTS;

it-trasferimenti kollha ta' unitajiet sakemm ma jkunux ġustifikati minn miżura alternattiva li tipprovdi l-istess livell ta' sigurtà.

Għandu jkun hemm sistema ta' notifiki fis-seħħ li twissi lill-utenti meta jitwettqu operazzjonijiet li jinvolvu l-kontijiet u l-kontijiet ta' depożitu tagħhom.

Japplika dewmien ta' 26 siegħa bejn il-bidu ta' trasferiment u l-eżekuzzjoni tiegħu lill-utenti kollha sabiex jirċievu l-informazzjoni u jitwaqqaf kwalunkwe trasferiment illeġittimu suspettat.

L-amministratur Żvizzeru u l-amministratur ċentrali tal-Unjoni għandhom jieħdu passi biex jinfurmaw lill-utenti dwar ir-responsabbiltajiet tagħhom fir-rigward tas-sigurtà tas-sistemi tagħhom (PC, network) u fir-rigward tal-amministrazzjoni tad-dejta/tan-navigazzjoni fuq l-internet.

Kriterji essenzjali relattivament għall-ftuħ u l-ġestjoni tal-kontijiet:

Kriterji Essenzjali

Ftuħ ta' Kont tal-Operatur/Kont ta' Depożitu tal-Operatur:

L-applikazzjoni mill-operatur jew mill-awtorità kompetenti għat-talba ta' ftuħ ta' Kont (ta' Depożitu) tal-Operatur għandha tiġi indirizzata lill-amministratur nazzjonali (Uffiċċju Federali tal-Ambjent, FOEN, għall-Iżvizzera). L-applikazzjoni għandha tinkludi biżżejjed informazzjoni sabiex tidentifika l-installazzjoni tal-ETS u ID adegwata tal-installazzjoni.

Ftuħ ta' Kont tal-Operatur tal-Inġenju tal-Ajru/Kont ta' Depożitu ta' Operatur tal-Inġenju tal-Ajru:

Kull operatur ta' inġenju tal-ajru kopert mill-ETS tal-Iżvizzera jew mill-EU ETS għandu jkollu kont tal-operatur tal-inġenju tal-ajru/kont ta' depożitu ta' operatur tal-inġenju tal-ajru wieħed. Fil-każ tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru amministrati mill-awtorità kompetenti Żvizzera dan il-kont għandu jinżamm fir-reġistru Żvizzeru. L-applikazzjoni mill-operatur tal-inġenju tal-ajru jew minn rappreżentant awtorizzat tal-operatur tal-inġenju tal-ajru għandha tiġi indirizzata lill-amministratur nazzjonali (FOEN għall-Iżvizzera) fi żmien 30 jum ta' xogħol mill-approvazzjoni tal-pjan ta' monitoraġġ tal-operatur tal-inġenju tal-ajru jew mit-trasferiment tiegħu minn Stat Membru tal-UE (ŻEE) lill-awtoritajiet Żvizzeri. L-applikazzjoni għandha tinkludi l-kodiċi jew kodiċijiet uniċi tal-inġenju tal-ajru operat mill-applikant li jaqgħu taħt l-ETS tal-Iżvizzera u/jew tal-EU ETS.

Ftuħ ta' Kont Personali/Kont ta' Depożitu Personali:

L-applikazzjoni għal talba għall-ftuħ ta' kont personali jew ta' kont ta' depożitu personali għandha tiġi indirizzata lill-amministratur nazzjonali (FOEN għall-Iżvizzera). Għandha tinkludi biżżejjed informazzjoni għall-identifikazzjoni tad-detentur/tal-applikant tal-kont u għandha tinkludi tal-anqas:

għal persuna fiżika: prova tal-identità u d-dettalji ta' kuntatt

għal persuna ġuridika:

kopja tar-reġistru kummerċjali JEW

l-istrumenti li jistabbilixxu l-entità legali u dokument ta' prova tar-reġistrazzjoni tal-entità legali

ir-rekords kriminali tal-persuna fiżika jew fil-każ ta' persuna ġuridika tad-diretturi tagħha

Rappreżentanti Awtorizzati / tal-Kont:

Kull kont għandu jkollu tal-anqas rappreżentant awtorizzat/tal-kont wieħed innominat mid-detentur tal-kont prospettiv. Ir-rappreżentanti awtorizzati/tal-kont għandhom jibdew it-tranżazzjonijiet u proċessi oħra f'isem id-detentur tal-kont. Meta jiġi nnominat ir-rappreżentant awtorizzat/tal-kont, għandha tiġi trażmessa l-informazzjoni li ġejja dwar ir-rappreżentant awtorizzat/tal-kont:

Isem u dettalji ta' kuntatt

Dokument ta' sostenn tal-identifikazzjoni

Rekord kriminali

Kontroll tad-dokumenti:

Kull kopja ta' dokument li tiġi sottomessa bħala evidenza għall-ftuħ ta' kont personali/kont ta' depożitu personali jew għan-nomina ta' rappreżentant awtorizzat/ta' kont trid tkun ċertifikata bħala kopja vera. Fir-rigward ta' dokumenti maħruġa barra mill-Istat li jkun qed jitlob kopja, il-kopja trid tiġi legalizzata. Id-data taċ-ċertifikazzjoni u, fejn rilevanti, tal-leġislazzjoni ma tridx tkun ta' aktar minn tliet xhur qabel id-data tal-applikazzjoni.

Rifjut għall-ftuħ jew għall-aġġornament ta' kont jew għan-nomina ta' rappreżentant awtorizzat/tal-kont:

Amministratur nazzjonali (FOEN għall-Iżvizzera) jista' jirrifjuta li jiftaħ jew li jaġġorna kont jew li jinnomina rappreżentant awtorizzat/ta' kont diment li r-rifjut ikun raġonevoli u ġustifikabbli. Ir-raġunijiet għar-rifjut għandhom ikunu ġustifikati abbażi ta' mill-inqas waħda mir-raġunijiet li ġejjin:

l-informazzjoni u d-dokumenti pprovduti jkunu mhux kompluti, skaduti, jew inkella skorretti jew foloz;

ir-rappreżentant prospettiv ikun qed jiġi investigat jew ikun instab ħati fil-ħames snin preċedenti ta' frodi li tinvolvi kwoti jew unitajiet ta' Kjoto, ħasil tal-flus, iffinanzjar tat-terroriżmu jew reati gravi oħra li għalihom il-kont seta' kien strumentali;

raġunijiet stabbiliti fid-dritt nazzjonali jew tal-Unjoni.

Reviżjoni regolari tal-informazzjoni dwar il-kont:

Id-detenturi tal-kont għandhom jirrapportaw minnufih kwalunkwe tibdil fil-kont jew fid-dejta dwar l-utent lill-amministratur nazzjonali (FOEN għall-Iżvizzera) appoġġat minn informazzjoni kif meħtieġ mill-amministratur nazzjonali li huwa responsabbli għall-approvazzjoni tal-aġġornament f'waqtu tal-informazzjoni.

Mill-anqas darba kull tliet snin, l-amministratur nazzjonali għandu jivvaluta jekk l-informazzjoni relatata ma' kont tkunx għadha kompleta, aġġornata, preċiża u vera, u għandu jitlob li d-detentur tal-kont jinnotifika kwalunkwe tibdil kif ikun xieraq.

Sospensjoni ta' Aċċess għal Kont:

Fejn tinkiser kwalunkwe dispożizzjoni taħt l-Artikolu 3 ta' dan il-Ftehim relattivament għal reġistri jew tkun pendenti xi investigazzjoni dwar il-possibilità ta' ksur ta' dawk id-dispożizzjonijiet, l-aċċess għall-kontijiet jista' jiġi sospiż.

Kunfidenzjalità u żvelar tal-informazzjoni:

L-informazzjoni, inkluż iż-żamma tal-kontijiet kollha, it-tranżazzjonijiet kollha magħmula, il-kodiċi uniku ta' identifikazzjoni tal-unità tal-kwoti u l-valur numeriku uniku tan-numru tas-serje tal-unità tal-unitajiet ta' Kjoto miżmuma jew affettwati minn tranżazzjoni, miżmuma fl-EUTL jew fl-SSTL, fir-Reġistru tal-Unjoni, fir-reġistru Żvizzeru u fi kwalunkwe reġistru tal-Protokoll ta' Kyoto ieħor għandhom jitqiesu kunfidenzjali.

Tali informazzjoni kunfidenzjali tista' tingħata lill-entitajiet pubbliċi rilevanti fuq talba tagħhom jekk dawn it-talbiet isegwu objettiv leġittimu u huma ġustifikati, meħtieġa u proporzjonati (għall-finijiet ta' investigazzjoni, detezzjoni, prosekuzzjoni, amministrazzjoni tat-taxxa, infurzar, awditjar u superviżjoni finanzjarja għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-frodi, il-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu, kriminalità serja oħra, il-manipulazzjoni tas-suq jew ksur ieħor tad-dritt tal-Unjoni jew nazzjonali ta' Stat Membru taż-ŻEE jew tal-Iżvizzera u biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-EU ETS u tal-ETS tal-Iżvizzera.

D.   Kriterji Essenzjali għall-Pjattaformi tal-Irkantar u għall-Attivitajiet ta' Irkantar

L-entitajiet li jwettqu l-irkanti tal-kwoti fl-ETS tal-Partijiet għandhom jissodisfaw il-kriterji essenzjali li ġejjin u jwettqu l-irkanti skont dan.

 

Kriterji Essenzjali

1

L-entità li tmexxi l-irkant għandha tintgħażel permezz ta' proċess li jiżgura trasparenza, proporzjonalità, trattament indaqs, nondiskriminazzjoni u kompetizzjoni bejn il-pjattaformi tal-irkant potenzjali differenti abbażi tad-dritt tal-Unjoni jew nazzjonali dwar l-akkwist.

2

L-entità li tmexxi l-irkant għandha tkun awtorizzata għal din l-attività u għandha tipprovdi s-salvagwardji meħtieġa fit-twettiq tal-operazzjonijiet tagħha; dawk is-salvagwardji jinkludu, fost l-oħrajn, arranġamenti għall-identifikazzjoni u għall-ġestjoni tal-konsegwenzi negattivi potenzjali ta' kwalunkwe kunflitt ta' interess, għall-identifikazzjoni u l-ġestjoni tar-riskji li għalihom ikun espost is-suq, li jkun hemm regoli u proċeduri trasparenti u mhux diskrezzjonali għal irkantar ġust u ordnat u biżżejjed riżorsi finanzjarji biex jiġi faċilitat il-funzjonament kif suppost.

3

L-aċċess għall-irkanti għandu jkun soġġett għal rekwiżiti minimi fir-rigward ta' kontrolli adegwati tad-diliġenza tal-klijenti biex jiġi żgurat li l-parteċipanti ma jimminawx l-operat tal-irkanti.

4

Il-proċess tal-irkantar għandu jkun prevedibbli, b'mod partikolari fir-rigward taż-żmien u tas-sekwenza tal-bejgħ u tal-volumi stmati li għandhom ikunu disponibbli. L-elementi prinċipali tal-metodu ta' rkantar, inkluż l-iskeda, id-dati u l-volumi stmati tal-bejgħ għandhom jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-entità li tmexxi l-irkant tal-anqas xahar qabel il-bidu tal-irkanti. Kwalunkwe aġġustament sinifikanti għandu jitħabbar malajr kemm jista' jkun prattikabbli, inkluż minn qabel ukoll.

5

L-irkantar tal-kwoti għandu jitwettaq bl-objettiv li jiġi minimizzat kwalunkwe impatt fuq l-ETS ta' kull Parti. L-entità inkarigata mill-irkant għandha tiżgura li l-prezzijiet tal-irkant ma jiddevjawx b'mod sinifikanti mill-prezz rilevanti għall-kwoti fis-suq sekondarju matul il-perjodu tal-irkant, sitwazzjoni li tkun tindika nuqqas fl-irkanti.

6

L-informazzjoni mhux kunfidenzjali kollha li hija pertinenti għall-irkanti, inklużi l-leġiżlazzjoni, il-gwidi u l-formoli kollha, għandha tiġi ppubblikata b'mod miftuħ u trasparenti. Ir-riżultati ta' kull irkant mwettaq għandhom jiġu ppubblikati malajr kemm jista' jkun raġonevolment prattikabbli u jinkludu l-informazzjoni mhux kunfidenzjali rilevanti. Ir-rapporti dwar ir-riżultati tal-irkanti għandhom jiġu ppubblikati tal-anqas darba fis-sena.

7

L-irkant tal-kwoti għandu jkun soġġett għal regoli u proċeduri adegwati biex itaffi r-riskju ta' komportament antikompetittiv, abbuż tas-suq, ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu fl-irkanti. Kemm jista' jkun possibbli, dawn ir-regoli u l-proċeduri għandhom ma jkunux inqas stretti minn dawk applikabblki għas-swieq finanzjarji fir-reġimi legali rispettivi tal-Partijiet. B'mod partikolari, l-entità li tmexxi l-irkant għandha tkun responsabbli għall-istabbiliment ta' miżuri, proċeduri u proċessi sabiex tiġi żgurata l-integrità tal-irkanti. Għandha timmonitorja wkoll l-imġiba tal-parteċipanti tas-suq u tinnotifika lill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti f'każ ta' komportament antikompetittiv, abbuż tas-suq, ħasil ta' flus jew finanzjament tat-terroriżmu.

8

L-entità li twettaq l-irkanti u l-irkantar tal-kwoti għandha tkun soġġetta għal superviżjoni adegwata mill-awtoritajiet kompetenti. L-awtoritajiet kompetenti maħtura għandu jkollhom il-kompetenzi legali neċessarji u l-arranġamenti tekniċi biex jagħmlu superviżjoni ta':

l-organizzazzjoni u t-tmexxija tal-operaturi tal-pjattaformi tal-irkant;

l-organizzazzjoni u t-tmexxija tal-intermedjarji professjonali li jaġixxu f'isem il-klijenti;

l-imġiba u t-tranżazzjonijiet tal-parteċipanti tas-suq, sabiex jiġi evitat abbuż minn informazzjoni privileġġata u manipulazzjoni tas-suq;

it-tranżazzjonijiet tal-parteċipanti fis-suq, sabiex jiġi evitat il-ħasil ta' flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

Sa fejn ikun possibbli, is-superviżjoni ma għandhiex tkun inqas stretta mis-superviżjoni fuq is-swieq finanzjarji fir-reġimi legali rispettivi tal-Partijiet.

L-Iżvizzera għandha tagħmel sforz biex tagħmel użu minn entità privata għall-irkantar tal-kwoti tagħha, skont ir-regoli dwar l-akkwist pubbliku.

Sa meta tiġi kuntrattata tali entità, u dment li l-għadd ta' kwoti li ser jiġu rkantati f'sena jkun taħt limitu fiss, l-Iżvizzera tista' tkompli tuża l-arranġamenti attwali għall-irkantar, jiġifieri l-irkanti operati mill-FOEN, taħt il-kundizzjonijiet li ġejjin:

1.

Il-livell limitu għandu jkun ta' 1 000 000 kwota, li jinkludi l-kwoti li għandhom jiġu rkantati għall-attivitajiet tal-avjazzjoni.

2.

Għandhom japplikaw il-kriterji essenzjali taħt il-punti 1 sa 8, bl-eċċezzjoni tal-kriterji 1 u 2, filwaqt li l-kriterji 7 u 8 japplikaw biss għall-FOEN sal-limitu possibbli. Għandu japplika l-kriterju essenzjali taħt il-punt 3, flimkien mad-dispożizzjoni li ġejja: l-entitajiet kollha fiż-ŻEE li huma ammessi biex jissottomettu offerti f'irkanti fl-Unjoni għandhom jiġu ggarantiti ammissjoni biex jissottomettu l-offerti fl-irkanti tal-kwoti Żvizzeri skont l-arranġamenti għall-irkantar li kienu fis-seħħ fiż-żmien li fih ġie ffirmat dan il-Ftehim.

L-Iżvizzera tista' tawtorizza lil entitajiet li jinsabu fiż-ŻEE biex jagħmlu l-irkant


ANNESS II

STANDARDS TEKNIĊI TAL-KOLLEGAMENT

L-Istandards Tekniċi tal-Kollegament (LTS) għandhom jispeċifikaw:

l-arkitettura tal-kollegament komunikattiv;

is-sigurtà tat-trasferiment tad-dejta;

il-lista ta' funzjonijiet (tranżazzjonijiet, rikonċiljazzjoni …);

id-definizzjoni ta' servizzi web;

ir-rekwiżiti dwar ir-reġistrazzjoni tad-dejta;

l-arranġamenti operattivi (Uffiċċju ta' informazzjoni, appoġġ);

il-pjan dwar l-attivazzjoni ta' komunikazzjoni u l-proċedura tal-ittestjar;

il-proċedura tal-ittestjar tas-sigurtà.

L-LTS għandhom jispeċifikaw li l-amministraturi għandhom jieħdu passi raġonevoli biex jiġi żgurat li l-SSTL, l-EUTL kif ukoll il-kollegament ikunu operattivi 24 siegħa kuljum u 7 ijiem fil-ġimgħa, u li l-interruzzjonijiet fl-operat tal-SSTL, tal-EUTL u fil-kollegament jinżammu għall-minimu.

L-LTS għandhom jispeċifikaw li l-komunikazzjonijiet bejn l-SSTL u l-EUTL jikkonsistu fi skambji siguri ta' messaġġi skont il-Protokoll dwar l-Aċċess Sempliċi ta' Oġġett (SOAP) abbażi tat-teknoloġiji li ġejjin (1):

servizzi Web li jużaw SOAP;

network Privat Virtwali (VPN) ibbażat fuq il-hardware;

XML (Lingwaġġ tal-Immarkar Estensibbli);

firma Diġitali; u

protokolli ta' sinkronizzazzjoni tal-ħin fuq network

L-LTS għandhom jistabbilixxu rekwiżiti addizzjonali ta' sigurtà għar-reġistru Żvizzeru, għall-SSTL, għar-reġistru tal-Unjoni u għall-EUTL u dawn għandhom jiġu dokumentati fi “pjan ta' ġestjoni tas-sigurtà”. B'mod partikolari, l-LTS għandhom jispeċifikaw li:

jekk ikun hemm suspett li tkun ġiet kompromessa s-sigurtà tar-reġistru Żvizzeru, tal-SSTL, tar-reġistru tal-Unjoni jew tal-EUTL allura ż-żewġ Partijiet għandhom minnufih javżaw lil xulxin u jissospendu l-konnessjoni bejn l-SSTL u l-EUTL;

fil-każ ta' ksur tas-sigurtà, il-Partijiet għandhom jintrabtu li jikkondividu immedjatament l-informazzjoni ma' xulxin. Skont l-estent tad-dettalji tekniċi disponibbli, għandu jiġi kondiviż rapport li jiddeskrivi l-inċident (id-data, il-kawża, l-impatt, ir-rimedji) bejn l-amministratur tar-reġistru Żvizzeru u l-amministratur ċentrali tal-Unjoni fi żmien 24 siegħa wara l-ksur tas-sigurtà.

Il-proċedura dwar l-ittestjar tas-sigurtà stabbilita fl-LTS għandha titlesta qabel jiġi stabbilit il-kollegament ta' komunikazzjoni bejn l-SSTL u l-EUTL, u kull meta jkun hemm bżonn ta' verżjoni jew rilaxx ġdid tal-SSTL jew tal-EUTL.

Minbarra l-Ambjent ta' produzzjoni l-LTS għandhom jipprovdu żewġ ambjenti għall-ittestjar. ambjent għall-ittestjar għall-iżviluppaturi u ambjent ta' aċċettazzjoni.

Il-Partijiet għandhom jipprovdu evidenza permezz tal-amministratur tar-reġistru Żvizzeru u l-amministratur ċentrali tal-Unjoni li turi li matul l-aħħar tnax-il xahar tkun saret valutazzjoni indipendenti tas-sigurtà tas-sistemi tagħhom skont ir-rekwiżiti ta' sigurtà stabbiliti fl-LTS. L-ittestjar tas-sigurtà u b'mod partikolari l-ittestjar tal-penetrazzjoni għandu jsir fuq kull rilaxx ġdid maġġuri tas-software skont ir-rekwiżiti ta' sigurtà stabbiliti fl-LTS. L-ittestjar tal-penetrazzjoni ma għandux isir mill-iżviluppatur tas-software jew minn sottokuntrattur tal-iżviluppatur tas-software.


(1)  Attwalment dawk it-teknoloġiji qed jintużaw biex tiġi stabbilita konnessjoni bejn ir-Reġistru tal-Unjoni u r-Reġistru Internazzjonali tat-Tranżazzjonijiet kif ukoll bejn ir-Reġistru Żvizzeru u r-Reġistru Internazzjonali tat-Tranżazzjonijiet.


ANNESS III

LIVELLI TA' SENSITTIVITÀ U STRUZZJONIJIET DWAR IL-ĠESTJONI

Il-Partijiet għandhom jagħmlu użu mil-livelli ta' sensittività li ġejjin biex tiġi identifikata l-informazzjoni sensittiva li tkun ttrattata u skambjata f'dan il-Ftehim:

ETS Limitata

ETS Sensittiva

ETS Kritika

L-informazzjoni li tkun immarkata bħala “ETS Kritika” hija aktar sensittiva mill-informazzjoni li tkun immarkata bħala “ETS Sensittiva”, li min-naħa tagħha hija aktar sensittiva mill-informazzjoni li tkun immarkata bħala “ETS Limitata”.

Il-Partijiet jaqblu li jiżviluppaw struzzjonijiet dwar il-ġestjoni abbażi tal-politika eżistenti tal-Unjoni dwar il-klassifikazzjoni tal-informazzjoni tal-ETS u abbażi tal-Ordinanza dwar il-Protezzjoni tal-Informazzjoni (IPO) u l-Att Federali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta (FADP) tal-Iżvizzera. L-istruzzjonijiet dwar il-ġestjoni għandhom jiġu sottomessi lill-Kumitat Konġunt għall-approvazzjoni. Wara l-approvazzjoni, l-informazzjoni kollha għandhom tiġi trattata skont il-livell ta' sensittività tagħha f'konformità ma' dawn l-istruzzjonijiet dwar il-ġestjoni.

Fil-każ li l-Partijiet jagħtu valutazzjonijiet differenti dwar livell, għandu jiġi applikat l-ogħla livell.

Il-leġiżlazzjoni ta' kull Parti għandha tinkludi rekwiżiti ekwivalenti ta' sigurtà essenzjali għall-passi dwar il-ġestjoni li ġejjin, filwaqt li jitqiesu l-livelli ta' sensittività tal-ETS:

Ġenerazzjoni ta' dokument

Riżorsi

Livell ta' Sensittività

Ħżin

Dokument elettroniku fuq network

Dokument elettroniku f'ambjent lokali

Dokument fiżiku

Trażmissjoni elettronika

Telefon u telefon mobbli

Fax

E-mail

Trażmissjoni tad-dejta

Trażmissjoni Fiżika

Orali

Trasferiment personali

Sistema postali

Użu

Ipproċessar b'applikazzjonijiet tal-IT

Stampar

Ikkuppjar

Tneħħija minn post permanenti

Ġestjoni ta' informazzjoni

Evalwazzjoni regolari tal-klassifikazzjoni u tar-riċevituri

Arkivjar

Tħassir u qerda


ANNESS IV

DEFINIZZJONI TA' LIVELLI TA' SENSITTIVITÀ TAL-ETS

A.1- Klassifikazzjoni tal-Kunfidenzjalità u tal-Integrità

“Kunfidenzjalità” tfisser in-natura riżervata tal-informazzjoni jew ta' sistema ta' informazzjoni kollha jew parti minnha (bħal algoritmi, programmi u dokumentazzjoni) li l-aċċess għaliha huwa limitat għal persuni, korpi u proċeduri awtorizzati.

“Integrità” tfisser il-garanzija li s-sistema ta' informazzjoni u l-informazzjoni pproċessata jistgħu jiġu alterati biss b'azzjoni intenzjonata u leġittima u li s-sistema se tipproduċi r-riżultat mistenni b'mod preċiż u b'mod sħiħ.

Għal kull element ta' informazzjoni fl-ETS li jitqies bħala sensittiv, l-aspett ta' kunfidenzjalità għandu jitqies mill-impatt potenzjali fil-livell ta' negozju fejn din l-informazzjoni tiġi żvelata u l-aspett ta' integrità għandu jitqies mill-impatt potenzjali fil-livell ta' negozju fejn din l-informazzjoni fir-rigward ta' modifikazzjoni, qerda parzjali jew kompleta mhux intenzjonata.

Il-livell tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni u l-livell ta' integrità ta' sistema ta' informazzjoni għandhom ikunu klassifikati wara valutazzjoni abbażi tal-kriterji li jinsabu fit-taqsima A.2. Dawk il- klassifikazzjonijiet jippermettu li l-livell ta' sensittività globali tal-informazzjoni jiġi evalwat permezz tat-tabella skematika mogħtija fit-taqsima A.3.

A.2- Klassifikazzjoni tal-Kunfidenzjalità u tal-Integrità

A.2.1- “Klassifikazzjoni Baxxa”

Għanda tingħata klassifikazzjoni baxxa lil kwalunkwe informazzjoni relatata mal-ETS li d-divulgazzjoni tagħha lil persuni mhux awtorizzati, u/jew li t-telf ta' integrità tagħha jikkawżaw ħsara moderata lill-Partijiet jew lil istituzzjonijiet oħrajn li min-naħa tagħha tista':

taffettwa moderatament ir-relazzjonijiet politiċi jew diplomatiċi;

tikkawża pubbliċità lokali negattiva għall-immaġni jew għar-reputazzjoni tal-Partijiet jew ta' istituzzjonijiet oħra;

tikkawża imbarazzament lill-individwi;

taffettwa l-moral/produttività tal-persunal,

tikkawża telf finanzjarju limitat jew tiffaċilita moderatament qligħ jew vantaġġ mhux xieraq għall-individwi jew għall-kumpaniji;

taffettwa moderatament l-iżvilupp jew l-operat effettiv tal-politiki tal-Partijiet;

taffettwa moderatament il-ġestjoni xierqa tal-Partijiet u tal-operazzjonijiet tagħhom.

A.2.2- “Klassifikazzjoni Medja”

Għanda tingħata klassifikazzjoni medja lil kwalunkwe informazzjoni relatata mal-ETS li d-divulgazzjoni tagħha lil persuni mhux awtorizzati, u/jew li t-telf ta' integrità tagħha jikkawżaw ħsara moderata lill-Partijiet jew lil istituzzjonijiet oħrajn li min-naħa tagħha tista':

tikkawża imbarazzament lir-relazzjonijiet politiċi jew diplomatiċi;

tagħmel ħsara lill-immaġni jew lir-reputazzjoni tal-Partijiet jew ta' istituzzjonijiet oħra;

tikkawża tbatija għall-individwi;

tikkawża tnaqqis konsegwenzjali fil-moral/produttività tal-persunal;

timbarazza lill-Partijiet jew lil istituzzjonijiet oħra f'negozjati kummerċjali jew politiċi ma' oħrajn;

tikkawża telf finanzjarju jew tiffaċilita qligħ jew vantaġġ mhux xieraq għall-individwi jew għall-kumpaniji;

taffettwa l-investigazzjoni ta' reat;

tikser obbligi legali jew kuntrattwali dwar il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni;

taffettwa l-iżvilupp jew l-operat tal-politiki tal-Partijiet;

taffettwa l-ġestjoni xierqa tal-Partijiet u tal-operazzjonijiet tagħhom.

A.2.3- “Klassifikazzjoni Għolja”

Għanda tingħata klassifikazzjoni għolja lil kwalunkwe informazzjoni relatata mal-ETS li d-divulgazzjoni tagħha lil persuni mhux awtorizzati, u/jew li t-telf ta' integrità tagħha jikkawżaw ħsara moderata lill-Partijiet jew lil istituzzjonijiet oħrajn li min-naħa tagħha tista':

taffettwa b'mod avvers ir-relazzjonijiet diplomatiċi;

tikkawża tbatija sostanzjali lill-individwi;

tagħmilha aktar diffiċli li tinżamm l-effikaċja operattiva jew is-sigurtà tal-Partijiet jew ta' forzi ta' kontributuri oħra;

tikkawża telf finanzjarju jew tiffaċilita qligħ jew vantaġġ mhux xieraq għall-individwi jew għall-kumpaniji;

tikser l-impenji xierqa għaż-żamma tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni pprovduta minn partijiet terzi;

tikser restrizzjonijiet statutorji dwar id-divulgazzjoni ta' informazzjoni;

tippreġudika l-investigazzjoni jew tiffaċilita t-twettiq ta' reat kriminali;

tpoġġi lill-Partijiet fi żvantaġġ f'negozjati kummerċjali jew ta' politika ma' oħrajn;

timpedixxi l-iżvilupp effettiv jew l-operat tal-politiki tal-Partijiet;

tfixkel il-ġestjoni xierqa tal-Partijiet u tal-operazzjonijiet tagħhom.

A.3 – Valutazzjoni tal-livell ta' informazzjoni sensittiva tal-ETS

Abbażi tal-klassifikazzjonijiet għall-Kunfidenzjalità u għall-Integrità skont it-taqsima A.2, il-livell ta' sensittività globali tal-informazzjoni jiġi determinat permezz tat-tabella skematika li ġejja:

Klassifikazzjoni tal-kunfidenzjalità

Klassifikazzjoni tal-integrità

Baxxa

Medja

Għolja

Baxxa

ETS Limitata

ETS Sensittiva

(jew ETS Limitata (*1))

ETS Kritika

Medja

ETS Sensittiva

(jew ETS Limitata (*1))

ETS Sensittiva

(jew ETS Kritika (*1))

ETS Kritika

Għolja

ETS Kritika

ETS Kritika

ETS Kritika


(*1)  Varjazzjoni possibbli li għandha tiġi vvalutata fuq bażi ta' każ b'każ.


REGOLAMENTI

7.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 322/27


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2241

tas-6 ta' Diċembru 2017

dwar l-estensjoni tal-perjodi tranżizzjonali relatati ma' rekwiżiti ta' fondi proprji għal skoperturi għal kontropartijiet ċentrali stipulati fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 497(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex jiġi evitat tfixkil fis-swieq finanzjarji internazzjonali u sabiex ma jitħalliex li l-istituzzjonijiet ikunu penalizzati billi jiġu soġġetti għal rekwiżiti ogħla ta' fondi proprji matul il-proċessi ta' rikonoxximent ta' kontropartijiet ċentrali (central counterparties — CCPs) eżistenti ta' pajjiżi terzi, l-Artikolu 497(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 stabbilixxa perjodu tranżizzjonali li matulu s-CCPs ta' pajjiżi terzi li l-istituzzjonijiet stabbiliti fl-Unjoni jikklerjaw it-tranżazzjonijiet magħhom, ikunu jistgħu jitqiesu bħala CCPs kwalifikanti minn dawn l-istituzzjonijiet.

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 emenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) fir-rigward ta' ċerti inputs għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta' fondi proprji tal-istituzzjonijiet għal skoperturi għal CCPs ta' pajjiżi terzi. Għaldaqstant, l-Artikolu 89(5a) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jobbliga ċerti CCPs ta' pajjiżi terzi biex jirrappurtaw, għal perjodu ta' żmien limitat, l-ammont totali tal-marġni inizjali li huma jkunu rċevew mill-membri tal-ikklerjar tagħhom. Dan il-perjodu tranżizzjonali jirrifletti l-perjodu stabbilit fl-Artikolu 497(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

(3)

Iż-żewġ perjodi tranżizzjonali kienu previsti li jiskadu fil-15 ta' Ġunju 2014.

(4)

L-Artikolu 497(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex f'ċirkostanzi eċċezzjonali tadotta att ta' implimentazzjoni sabiex il-perjodu tranżizzjonali għar-rekwiżiti ta' fondi proprji jiġi estiż b'sitt xhur. Din l-estensjoni jinħtieġ li tapplika wkoll fir-rigward tal-limiti ta' żmien stabbiliti fl-Artikolu 89(5a) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Dawk il-perjodi tranżizzjonali ġew estiżi riċentement sal-15 ta' Diċembru 2017 permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/954 (3).

(5)

Mis-CCPs stabbiliti fil-pajjiżi terzi li applikaw għal rikonoxximent skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, 29 CCP ġew rikonoxxuti mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq. Minn dawk, CCP waħda minn New Zealand ġiet rikonoxxuta abbażi tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2274 (4). Barra minn hekk, tliet CCPs oħra mill-Indja ġew rikonoxxuti abbażi tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2269 (5). Is-CCPs ta' pajjiżi terzi li jifdal għadhom qegħdin jistennewir-rikonoxximent u l-proċess ta' rikonoxximent mhuwiex se jkun lest sal-15 ta' Diċembru 2017. Jekk il-perjodu tranżizzjonali ma jiġix estiż, l-istituzzjonijiet stabbiliti fl-Unjoni (jew is-sussidjarji tagħhom stabbiliti barra mill-Unjoni) li għandhom skoperturi għal dawk is-CCPs li jifdal ta' pajjiżi terzi se jkunu meħtieġa jżidu fondi proprji għal dawk l-iskoperturi b'mod sinifikanti, li potenzjalment iwasslu għall-irtirar ta' dawk l-istituzzjonijiet bħala parteċipanti diretti f'dawk is-CCPs jew għall-anqas temporanjament, għall-irtirar tad-dispożizzjonijiet ta' servizzi ta' kklerjar lill-klijenti ta' dawk l-istituzzjonijiet u għalhekk joħolqu tfixkil qawwi fis-swieq li joperaw fihom dawk is-CCPs.

(6)

Għaldaqstant, wara li tiskadi l-estensjoni tal-perjodu tranżizzjonali stabbilita fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/954, tibqa' l-ħtieġa li jiġi evitat it-tfixkil fi swieq barra l-Unjoni, li wassal għall-estensjonijiet ta' qabel tal-perjodu tranżizzjonali stabbilit fil-Artikolu 497(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Estensjoni ulterjuri tal-perjodu tranżizzjonali tkun tippermetti lill-istituzzjonijiet stabbiliti fl-Unjoni (jew lis-sussidjarji tagħhom stabbiliti barra mill-Unjoni) li jevitaw żieda sinifikanti fir-rekwiżiti ta' fondi proprji minħabba li ma jkunx tlesta l-proċess ta' rikonoxximent għal CCPs li jipprovdu, b'mod vijabbli u aċċessibbli, it-tip ta' servizzi ta' kklerjar li l-istituzzjonijiet stabbiliti fl-Unjoni (jew is-sussidjarji tagħhom stabbiliti barra l-Unjoni) jeħtieġu. Għalhekk jixraq li l-perjodi tranżizzjonali jiġu estiżi b'sitt xhur oħra.

(7)

Il-miżuri stabbiliti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Banek Ewropej,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-perjodi ta' 15-il xahar imsemmija fl-Artikolu 497(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 89(5a) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, rispettivament, kif estiżi l-aħħar fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/954, qed jiġu estiżi b'sitt xhur oħra sal-15 ta' Ġunju 2018.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Diċembru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/954 tas-6 ta' Ġunju 2017 dwar l-estensjoni tal-perjodi tranżizzjonali relatati ma' rekwiżiti ta' fondi proprji għal skoperturi għal kontropartijiet ċentrali fir-Regolamenti (UE) Nru 575/2013 u (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 144, 7.6.2017, p. 14).

(4)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2274 tal-15 ta' Diċembru 2016 dwar l-ekwivalenza tal-qafas regolatorju għall-kontropartijiet ċentrali fi New Zealand skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 342, 16.12.2016, p. 54).

(5)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2269 tal-15 ta' Diċembru 2016 dwar l-ekwivalenza tal-qafas regolatorju għall-kontropartijiet ċentrali fl-Indja skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 342, 16.12.2016, p. 38).


DEĊIŻJONIJIET

7.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 322/29


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/2242

tat-30 ta' Novembru 2017

li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati għall-emendar tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207, flimkien mal-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Unjoni hija Parti għall-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 (1) (l-“ISA”) u membru tal-Organizzazzjoni Internazzjonali taz-Zokkor (l-“ISO”).

(2)

L-Unjoni ilha mill-1995 tapprova l-estensjoni tal-ISA għal perjodi ta' sentejn. Fil-25 ta' Settembru 2017, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tadotta pożizzjoni favur l-estensjoni tal-ISA għal perjodu ulterjuri ta' mhux aktar minn sentejn, li jintemm fil-31 ta' Diċembru 2019.

(3)

Skont l-Artikolu 8 tal-ISA, il-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor iwettaq jew iħejji għat-twettiq ta' funzjonijiet kollha bħal dawn li jkunu meħtieġa biex jitwettqu d-dispożizzjonijiet tal-ISA. Skont l-Artikolu 13 tal-ISA, id-deċiżjonijiet kollha tal-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor jittieħdu, fil-prinċipju, b'kunsens.. Fin-nuqqas ta' kunsens, id-deċiżjonijiet isiru permezz ta' vot ta' maġġoranza sempliċi, sakemm l-ISA ma jipprevedix vot speċjali.

(4)

Skont l-Artikolu 25 tal-ISA, il-membri tal-ISO għandhom 2 000 vot b'kollox. Kull membru tal-ISO għandu għadd speċifiku ta' voti li kull sena jiġi aġġustat skont il-kriterji stiuplati fl-ISA.

(5)

Huwa fl-interess tal-Unjoni li tipparteċipa fi ftehim internazzjonali dwar iz-zokkor, meta titqies l-importanza ta' dak is-settur għal għadd ta' Stati Membri u għall-ekonomija tas-settur taz-zokkor Ewropew.

(6)

Madankollu, il-qafas istituzzjonali tal-ISA, u speċjalment id-distribuzzjoni tal-voti fost il-membri tal-ISO li tiddetermina wkoll il-kontribuzzjoni finanzjara tal-membri lill-ISO, ma għadux jirrifletti r-realtajiet tas-suq dinji taz-zokkor.

(7)

Skont ir-regoli tal-ISA dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji lill-ISO, is-sehem tal-Unjoni baqa' l-istess mill-1992 'il hawn, għalkemm is-suq dinji taz-zokkor, u b'mod partikolari l-pożizzjoni relattiva tal-Unjoni fih, inbidlu b'mod sostanzjali minn dak iż-żmien. B'riżultat ta' dan, f'dawn l-aħħar snin l-Unjoni assumiet sehem sproporzjonatament kbir tal-ispejjeż baġitarji u tar-responsabbiltà fl-ISO.

(8)

Ir-regoli tal-ISA dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja lill-ISO jistgħu jiġu emendati f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 44 tal-ISA. Skont dak l-Artikolu, il-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor jista', permezz ta' vot speċjali, jirrakkomanda emenda għall-ISA lill-Membri tal-ISO. Bħala membru tal-Kunsill Internazzjonali dwar iz-Zokkor, b'konformità mal-Artikolu 7 tal-ISA, jenħtieġ li l-Unjoni tkun tista' tniedi negozjati, u li tipparteċipa fihom, bl-għan li jiġi emendat il-qafas istituzzjonali tal-ISA.

(9)

Għalhekk huwa xieraq li l-Kummissjoni tiġi awtorizzata tagħti bidu għal negozjati fil-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor biex jiġi emendat l-ISA, li jiġu stabbiliti linji gwida għan-negozjati u li jinħatar kumitat speċjali li jiġi kkonsultat mill-Kummissjoni meta jkunu qed isiru n-negozjati,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kummissjoni hija b'dan awtorizzata li tiftaħ negozjati, f'isem l-Unjoni, biex temenda l-Ftehim Internazzjonali taz-Zokkor tal-1992.

Artikolu 2

In-negozjati għandhom jitmexxew abbażi tad-direttivi tan-negozjati tal-Kunsill stabbiliti fl-Addendum għal din id-Deċżjoni.

Artikolu 3

In-negozjati għandhom jitmexxew b'konsultazzjoni mal-Grupp ta' Ħidma dwar Prodotti Bażiċi.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta' Diċembru 2019.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Novembru 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

K. SIMSON


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/580/KEE tat-13 ta' Novembru 1992 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 (ĠU L 379, 23.12.1992, p. 15).