ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 259

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 60
7 ta' Ottubru 2017


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

 

*

Avviż rigward l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika ta' Kuba, min-naħa l-oħra

1

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1798 tat-2 ta' Ġunju 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti speċifiċi dwar il-kompożizzjoni u l-informazzjoni għall-ikel għal sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż ( 1 )

2

 

*

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1799 tat-12 ta' Ġunju 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-eżenzjoni ta' ċerti banek ċentrali ta' pajjiżi terzi waqt it-twettiq tagħhom ta' politika monetarja, tal-kambju u tal-istabilità finanzjarja minn rekwiżiti ta' trasparenza ta' qabel u wara n-negozjar ( 1 )

11

 

*

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1800 tad-29 ta' Ġunju 2017 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) Nru 151/2013 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 )

14

 

*

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1801 tat-13 ta' Lulju 2017 li jikkoreġi xi wħud mill-verżjonijiet lingwistiċi tar-Regolament Delegat (UE) 2016/2250 li jistabbilixxi pjan ta' skartar għal ċertu sajd demersali fil-Baħar tat-Tramuntana u fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-Diviżjoni IIa tal-ICES

18

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (PESK) 2017/1802 tat-28 ta' Settembru 2017 dwar il-ħatra tal-Kap tal-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea għat-Territorji Palestinjani (EUPOL COPPS) (EUPOL COPPS/1/2017)

20

 

 

RAKKOMANDAZZJONIJIET

 

*

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1803 tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar it-titjib tas-soluzzjonijiet legali għal persuni fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali (notifikata bid-dokument C(2017) 6504)

21

 

*

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1804 tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen dwar l-introduzzjoni mill-ġdid temporanja ta' kontrolli tal-fruntieri interni fiż-żona Schengen

25

 

*

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1805 tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar il-professjonalizzazzjoni tal-akkwist pubbliku Il-bini ta' struttura għall-professjonalizzazzjoni tal-akkwist pubbliku ( 1 )

28

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

7.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 259/1


Avviż rigward l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika ta' Kuba, min-naħa l-oħra

Il-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika ta' Kuba, min-naħa l-oħra (1), iffirmat fi Brussell fit-12 ta' Diċembru 2016, għandu, skont l-Artikolu 86.3 tiegħu, jiġi applikat b'mod proviżorju mill-1 ta' Novembru 2017. Bis-saħħa tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta' Diċembru 2016 dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim, il-partijiet li ġejjin tal-Ftehim għandhom jiġu applikati fuq bażi proviżorja bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta' Kuba, iżda biss sa fejn huma jkopru kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni, inkluż kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni biex tiddefinixxi u timplimenta politika estera u ta' sigurtà komuni:

Partijiet I sa IV; u

il-Parti V, sa fejn id-dispożizzjonijiet tagħha huma limitati għall-iskop li jiżguraw l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim.

Minkejja l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3, l-Artikoli li ġejjin ma għandhomx jiġu applikati fuq bażi proviżorja:

l-Artikolu 29;

l-Artikolu 35;

l-Artikolu 55 sa fejn jikkonċerna l-kooperazzjoni dwar it-trasport marittimu;

l-Artikolu 58;

l-Artikolu 71 sa fejn jikkonċerna s-sigurtà tal-fruntieri; u

l-Artikolu 73 sa fejn jikkonċerna l-kooperazzjoni dwar indikazzjonijiet ġeografiċi mhux agrikoli.


(1)  ĠU L 337 I, 13.12.2016, p. 1.


REGOLAMENTI

7.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 259/2


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1798

tat-2 ta' Ġunju 2017

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti speċifiċi dwar il-kompożizzjoni u l-informazzjoni għall-ikel għal sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar, ikel għal skopijiet mediċi speċjali, u bħala sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/52/KEE, id-Direttivi tal-Kummissjoni 96/8/KE, 1999/21/KE, 2006/125/KE u 2006/141/KE, id-Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 41/2009 u (KE) Nru 953/2009 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(1)(a), (c) u (d) tiegħu.

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 96/8/KE (2) tistabbilixxi regoli armonizzati dwar ikel maħsub sabiex jintuża f'dieti ta' restrizzjoni ta' enerġija għat-tnaqqis fil-piż u tinkludi fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha l-prodotti definiti fir-Regolament (UE) Nru 609/2013 bħala sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż.

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 609/2013 iħassar id-Direttiva 96/8/KE u jistabbilixxi rekwiżiti ġenerali għall-kompożizzjoni u l-informazzjoni għal kategoriji differenti ta' ikel inkluż prodotti definiti bħala sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tikkonforma mal-obbligu tagħha li tadotta rekwiżiti speċifiċi dwar il-kompożizzjoni u l-informazzjoni għal sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż, jixraq li l-miżuri jissejsu fuq id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 96/8/KE peress li dawn id-dispożizzjonijiet ikunu żguraw il-moviment ħieles tal-ikel ippreżentat bħala sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż b'mod sodisfaċenti, filwaqt li jiggarantixxu livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa pubblika.

(3)

Is-sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż huwa prodott kumpless li huwa fformulat apposta għal adulti b'piż żejjed jew adulti fi stat ta' obeżità li bi ħsiebhom jiksbu tnaqqis fil-piż. Il-kompożizzjoni essenzjali tas-sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż għandha tissodisfa r-rekwiżiti nutrittivi ta' kuljum ta' adulti fi stat ta' obeżità jew adulti b'piż żejjed f'saħħithom, fil-kuntest ta' dieta ta' enerġija ristretta għat-tnaqqis tal-piż kif stabbilit minn dejta xjentifika aċċettata b'mod ġenerali.

(4)

Sabiex jiġu żgurati s-sikurezza u l-idoneità tas-sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż, għandhom jiġu stabbiliti rekwiżiti dettaljati dwar il-kompożizzjoni tagħhom, inklużi rekwiżiti dwar il-valur enerġetiku, il-kontenut ta' makronutrijenti u l-kontentut ta' mikronutrijenti. Dawk ir-rekwiżiti għandhom ikunu bbażati fuq l-aktar pariri xjentifiċi reċenti tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) (3) fuq il-kwistjoni.

(5)

Sabiex jiġu żgurati l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta' prodotti, għandha tkun possibbli ż-żieda volontarja mas-sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż ta' ingredjenti li mhumiex koperti minn rekwiżiti speċifiċi ta' dan ir-Regolament, b'attenzjoni partikolari għall-fibra. L-ingredjenti kollha użati fil-manifattura tas-sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż għandhom ikunu adattati għal adulti b'piż żejjed jew adulti fi stat ta' obeżità f'saħħithom, u l-idoneità tagħhom għandha ttintwera minn qabel, fejn meħtieġ, permezz ta' studji xierqa. Hija r-responsabbiltà tal-operaturi tan-negozju tal-ikel li juru din l-adegwatezza, filwaqt li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom ir-responsabbiltà li jikkunsidraw, fuq bażi ta' każ b'każ, jekk dan huwiex il-każ.

(6)

Is-sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż għandhom jikkonformaw mar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Sabiex titqies in-natura speċifika tas-sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż, iż-żidiet u l-eċċezzjonijiet għal dawk ir-regoli ġenerali għandhom ikunu stabbiliti, fejn hu xieraq.

(7)

Huwa essenzjali li d-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni ta' sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż issir sabiex ikun garantit li l-prodott qed jintuża kif xieraq kemm minn adulti b'piż żejjed kif ukoll minn adulti fi stat ta' obeżità f'saħħithom li jikkunsmaw dan l-ikel kif ukoll mill-professjonisti tal-kura tas-saħħa li jistgħu jagħtu il-pariri dwar l-adegwatezza tiegħu f'ċerti każijiet. Għalhekk sabiex tingħata informazzjoni aktar kompluta, id-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni għandha tinkludi aktar dettalji barra dawk meħtieġa mir-Regolament (UE) Nru 1169/2011. Barra minn hekk, l-obbligu li ssir dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni għandha ssir obbligatorja għal kull sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż ikun xi jkun id-daqs tal-pakkett jew tal-kontenitur, għaldaqstant, l-eżenzjoni prevista fil-punt 18 tal-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 ma għandhiex tapplika.

(8)

Sabiex tiġi pprovduta informazzjoni adegwata u jiġi ffaċilitat it-tqabbil ta' prodotti, id-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni għas-sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż, għandha tiġi espressa għal kull porzjon u/jew għal kull unità ta' konsum kif ukoll għal kull razzjon totali ta' kuljum. Barra minn hekk, it-tali informazzjoni għandha tirreferi għall-prodott lest għall-użu wara l-preparazzjoni skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur.

(9)

L-Artikolu 30(2) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 jelenka għadd limitat ta' nutrijenti li jistgħu jiġu inklużi fuq bażi volontarja fid-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni għall-ikel. L-Anness għar-Regolament (UE) Nru 609/2013 jelenka serje ta' sustanzi li jistgħu jiżdiedu mas-sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż, li wħud minnhom mhumiex koperti bl-Artikolu 30(2) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċarezza legali, għandu jiġi stabbilit b'mod espliċitu li d-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni għas-sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż tista' tinkludi sustanzi bħal dawn. Barra minn hekk, f'ċerti każijiet, informazzjoni aktar dettaljata dwar il-karboidrati u x-xaħam preżenti fil-prodott tista tkun utli għall-konsumaturi u għall-professjonisti tal-kura tas-saħħa. Għalhekk, l-operaturi tan-negozju tal-ikel għandhom jitħallew jipprovdu din l-informazzjoni fuq bażi volontarja.

(10)

Adulti b'piż żejjed jew adulti fi stat ta' obeżità f'saħħithom jista' jkollhom ħtiġijiet nutrizzjonali li huma differenti minn dawk tal-popolazzjoni ġenerali. Barra minn hekk, is-sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż huwa prodott tal-ikel li jissostitwixxi bis-sħiħ id-dieta ta' kuljum. Għal dawn ir-raġunijiet,l-espressjoni ta' informazzjoni dwar in-nutrizzjoni fuq il-valur enerġetiku u dwar l-ammont ta' nutrijenti tas-sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż bħala perċentwal tal-valuri tal-konsum referenzjali ta' kuljum stabbiliti għall-popolazzjoni adulta ġenerali fir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tista' tiżgwida lill-konsumaturi u għalhekk ma għandhiex tkun permessa.

(11)

Indikazzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-kontenut ta' kaloriji “baxx ħafna” jew “baxx” tas-sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż jistgħu jipprovdu informazzjoni utli lill-konsumaturi. Għalhekk huwa xieraq li jiġu stabbiliti regoli dwar tali stqarrijiet volontarji.

(12)

L-indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa huma mezzi promozzjonali li jintużaw fuq bażi volontarja mill-operaturi tan-negozju tal-ikel fil-komunikazzjoni kummerċjali, f'konformità mar-regoli tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Minħabba r-rwol partikolari tas-sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż fid-dieta tal-persuni li qed jikkunsmawhom, l-użu ta' indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa ma għandux ikun permess għal prodotti bħal dawn. Madankollu, meta wieħed iqis li l-informazzjoni dwar il-preżenza tal-fibra fis-sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż tista' tkun utli għall-konsumaturi, għandha ssir dispożizzjoni sabiex ikun hemm indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni li għandhom isiru dwar iż-żieda tal-fibra taħt ċerti kundizzjonijiet.

(13)

Permezz tad-Direttiva 96/8/KE ġie rikjest li tiżdied il-fibra mas-sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż. Minħabba n-nuqqas ta' evidenza xjentifika fir-rigward tagħha, fl-opinjoni l-iktar reċenti tagħha l-Awtorità ma setgħetx tistabbilixxi kontenut minimu għall-fibra. Għal dawn ir-raġunijiet, jixraq li jinżamm ammont minimu ta' fibra meħtieġa skont id-Direttiva 96/8/KE, jekk din tiżdied mas-sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż.

(14)

L-Artikolu 17(2) tar- Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) jeżiġi li l-Istati Membri jinfurzaw il-liġi dwar l-ikel, u jimmonitorjaw u jivverifikaw li l-ħtiġijiet jitħarsu mill-operaturi tan-negozju tal-ikel u tal-għalf f'kull stadju tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u tat-tqassim. F'dan il-kuntest, sabiex jiġi ffaċilitat b'mod effiċjenti l-monitoraġġ uffiċjali tas-sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż, l-operaturi tan-negozji tal-ikel li jqiegħdu fis-suq prodotti bħal dawn fis-suq għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti mudell tat-tikketta użata u l-informazzjoni rilevanti kollha meqjusa bħala meħtieġa mill-awtoritajiet kompetenti sabiex tintwera l-konformità ma' dan ir-Regolament, sakemm l-Istati Membri ma jkollhomx sistemi differenti ta' monitoraġġ effiċjenti.

(15)

Sabiex l-operaturi tan-negozji tal-ikel ikunu jistgħu jadattaw għar-rekwiżiti l-ġodda li jistgħu jinvolvu adattazzjoni teknika għall-proċess ta' manifattura tal-prodotti kkonċernati, dan ir-Regolament għandu japplika minn data li tkun ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti speċifiċi li ġejjin fir-rigward tas-sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż:

(a)

rekwiżiti ta' kompożizzjoni;

(b)

rekwiżiti għat-tikkettjar, għall-preżentazzjoni u għar-reklamar;

(c)

rekwiżiti ta' notifika għat-tqegħid tal-prodott fis-suq.

Artikolu 2

Tqegħid fis-suq

1.   L-isem tal-prodott li taħtu l-ikel kopert mill-Artikolu 2(2)(h) tar-Regolament (UE) Nru 609/2013 jinbiegħ għandu jkun “sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż”.

2.   Is-sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż jistgħu jitqiegħdu fis-suq biss meta jikkonformaw ma' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Rekwiżiti dwar il-kompożizzjoni

1.   Is-sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti dwar il-kompożizzjoni stabbiliti fl-Anness I, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifikazzjonijiet fl-Anness II.

2.   Ir-rekwiżiti dwar il-kompożizzjoni stabbiliti fl-Anness I għandhom japplikaw għall-ikel, imqiegħed fis-suq kif inhu jew wara l-preparazzjoni skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur.

3.   Is-sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż jista' jkun fihom ingredjenti oħra minbarra dawk is-sustanzi elenkati fl-Anness I biss jekk l-adegwatezza tagħhom tkun ġiet stabbilita minn tagħrif xjentifiku aċċettat b'mod ġenerali.

Artikolu 4

Rekwiżiti speċifiċi rigward l-informazzjoni dwar l-ikel

1.   Minbarra d-dettalji obbligatorji msemmija fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011, dawn li ġejjin huma dettalji obbligatorji addizzjonali għas-sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż:

(a)

dikjarazzjoni li l-prodott huwa maħsub biss għal adulti b'piż żejjed jew adulti fi stat ta' obeżità f'saħħithom li bi ħsiebhom jiksbu t-tnaqqis fil-piż;

(b)

dikjarazzjoni li l-prodott m'għandux jintuża minn mara tqila jew nisa li qed ireddgħu, adolexxenti jew individwi li jbatu minn kundizzjoni medika u mingħajr il-parir ta' professjonist fil-qasam tal-kura tas-saħħa;

(c)

dikjarazzjoni dwar l-importanza li wieħed jieħu ammont ta' fluwidu adegwat kuljum;

(d)

dikjarazzjoni li l-prodott jipprovdi ammonti adegwati ta' kuljum tan-nutrijenti essenzjali kollha, meta jintuża f'konformità mal-istruzzjonijiet għall-użu;

(e)

dikjarazzjoni li l-prodott m'għandux jintuża għal iktar minn tmien ġimgħat jew ripetutament għal perjodi iqsar minn dan minn adulti b'piż żejjed jew minn adulti fi stat ta' obeżità f'saħħithom mingħajr il-parir ta' professjonist fil-qasam tal-kura tas-saħħa;

(f)

struzzjonijiet għall-preparazzjoni xierqa, fejn ikun meħtieġ, u dikjarazzjoni dwar l-importanza li jiġu segwiti dawk l-istruzzjonijiet;

(g)

jekk prodott, meta jintuża kif avżat mill-manifattur, jipprovdi l-ammont ta' kuljum ta' polioli f'eċċess ta' 20 g kuljum, għandha ssir stqarrija li l-ikel jista' jkollu effett lassattiv;

(h)

jekk ma tiżdidx il-fibra mal-prodott, għandu jkun iddikjarat li għandu jintalab l-parir ta' professjonist fil-qasam tal-kura tas-saħħa rigward il-possibbiltà li l-prodott jiġi ssupplimentat bil-fibra.

2.   Meta jidhru fuq il-pakkett jew fuq it-tikketta mwaħħla fuqu, id-dettalji obbligatorji elenkati fil-paragrafu 1 għandhom jiġu indikati b'tali mod li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 13(2) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011.

3.   It-tikkettar, il-preżentazzjoni u r-reklamar ta' sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż m'għandhom jagħmlu l-ebda referenza għar-rata jew għall-ammont ta' tnaqqis fil-piż li jista' jirriżulta mill-użu tiegħu.

Artikolu 5

Rekwiżiti speċifiċi rigward id-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni

1.   Minbarra l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 30(1) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011, id-dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni għas-sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż għandha tinkludi l-ammont ta' kull sustanza minerali u ta' kull vitamina msemmija fl-Anness I ta' dan ir-Regolament li huma preżenti fil-prodott.

Id-dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni għas-sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż għandha tinkludi wkoll l-ammont ta' kolina preżenti, u jekk ġiet miżjuda, tal-ammont tal-fibra preżenti.

2.   Minbarra l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 30(2)(a) sa (e) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011, il-kontenut tad-dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni għas- sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż jista' jiġi ssupplementat b':

(a)

l-ammonti ta' komponenti ta' xaħam u karboidrati;

(b)

l-ammonti ta' kwalunkwe sustanza elenkata fl-Anness tar-Regolament (UE) Nru 609/2013, fejn it-tali indikazzjoni ma tkunx koperta mill-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu;

(c)

l-ammont ta' kwalunkwe sustanza miżjuda mal-prodott skont l-Artikolu 3(3).

3.   B'deroga mill-Artikolu 30(3) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011, l-informazzjoni inkluża fid-dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni għall-ikel għas-sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż ma għandhiex tiġi ripetuta fuq it-tikketta.

4.   Id-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni għandha ssir obbligatorja għas-sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż, irrispettivament mid-daqs tal-akbar wiċċ tal-pakkett jew tal-kontenitur.

5.   In-nutrijenti kollha inklużi fid-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni tas-sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż, għandhom jilħqu r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 31 sa 35 tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011.

6.   B'deroga mill-Artikoli 31(3), 32(2) u 33(1) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011, il-valur enerġetiku u l-ammonti ta' nutrijenti tas-sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż għandhom ikunu espressi għal kull razzjon totali ta' kuljum kif ukoll għal kull porzjon u/jew għal kull unità ta' konsum ta' ikel lest għall-użu wara l-preparazzjoni skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur. Meta xieraq, l-informazzjoni tista', barra minn hekk, tirreferi għal 100 g jew 100 ml tal-ikel kif jinbiegħ.

7.   B'deroga mill-Artikolu 32(3) u (4) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011, il-valur enerġetiku u l-ammont ta' nutrijenti tas-sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż ma għandhomx ikunu espressi bħala perċentwal tal-konsum referenzjali stipulat fl-Anness XIII ta' dak ir-Regolament.

8.   Id-dettalji inklużi fid-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni għas-sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż li mhumiex elenkati fl-Anness XV tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 għandhom jiddaħħlu b'mod li jsegwu l-aktar entrata rilevanti ta' dak l-Anness li għaliha jappartjenu jew li huma komponenti tagħha.

Id-dettalji li mhumiex elenkati fl-Anness XV tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011, li għalih ma jappartjenux jew li mhumiex komponenti ta' xi waħda mill-entrati f'dak l-Anness għandhom jiġu ppreżentati fid-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni wara l-aħħar entrata f'dak l-Anness.

L-indikazzjoni tal-ammont ta' sodju għandha tidher flimkien mal-minerali l-oħrajn u tista' tiġi ripetuta ħdejn l-indikazzjoni tal-kontenut ta' melħ kif ġej: “Melħ: X g (li s-sodju fih jammonta għal: Y mg)”.

9.   Id-dikjarazzjoni “dieta b'livell baxx ħafna ta' kaloriji” tista' tintuża għas-sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż sakemm il-kontenut tal-enerġija tal-prodott ikun anqas minn 3 360 kJ/jum (800 kcal/kuljum).

10.   Id-dikjarazzjoni “dieta b'livell baxx ta' kaloriji” jista' jintuża għas-sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż sakemm il-kontenut ta' enerġija tal-prodotti tkun bejn 3 360 kJ/jum (800 kcal/kuljum) u 5 040 kJ/jum (1 200 kcal/kuljum).

Artikolu 6

Indikazzjonijiet dwar in-Nutrizzjoni u s-Saħħa

1.   Ma għandhomx isiru indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa għas-sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż.

2.   Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1, l-indikazzjoni dwar in-nutrizzjoni “fibra miżjuda” tista' tintuża għas-sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż sakemm il-kontenut tal-fibra fil-prodott ma jkunx inqas minn 10 g.

Artikolu 7

Notifika

Meta s-sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż jitqiegħdu fis-suq, l-operatur tan-negozju tal-ikel għandu jgħarraf lill-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru fejn il-prodott ikun qed jiġi kkumerċjalizzat bl-informazzjoni li tidher fuq it-tikketta, billi jibagħtilha mudell tat-tikketta użata għall-prodott, u bi kwalunkwe informazzjoni oħra li l-awtorità kompetenti tista' titlob raġonevolment sabiex tkun stabbilita l-konformità ma' dan ir-Regolament, sakemm Stat Membru ma jeżentax lill-operatur tan-negozju tal-ikel minn dak l-obbligu skont sistema nazzjonali li tiggarantixxi monitoraġġ uffiċjali effiċjenti tal-prodott ikkonċernat.

Artikolu 8

Referenzi għad-Direttiva 96/8/KE

Ir-referenzi għad-Direttiva 96/8/KE f'atti oħra għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Japplika minn mis-27 ta' Ottubru 2022.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Ġunju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 181, 29.6.2013, p. 35.

(2)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 96/8/KE tas-26 ta' Frar 1996 dwar ikel maħsub sabiex jintuża f'dieti ta' restrizzjoni ta' enerġija għat-tnaqqis fil-piż (ĠU L 55, 6.3.1996, p. 22).

(3)  Il-Bord tal-NDA tal-EFSA (il-Bord tal-EFSA dwar Prodotti Dijetetiċi, Nutrizzjoni u Allerġiji), 2015. Scientific Opinion on the essential composition of total diet replacement for weight control, EFSA Journal 2015;13(1):3957, and EFSA NDA Panel (EFSA Panel on Dietetic Products, Nutrition and Allergies), 2016. Scientific Opinion on the Dietary Reference Values for choline, EFSA Journal 2016;14(8):4484.

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9).

(6)  Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).


ANNESS I

Rekwiżiti dwar il-kompożizzjoni msemmija fl-Artikolu 3

1.   ENERĠIJA

L-enerġija pprovduta minn sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż m'għandhiex tkun inqas minn 2 510 kJ (600 kcal) u ma għandhiex taqbeż il-5 020 kJ (1 200 kcal) għar-razzjon totali ta' kuljum.

2.   PROTEINI

2.1.   Il-proteina li hemm fis-sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż ma għandhiex tkun inqas minn 75 g u ma għandhiex tkun aktar minn 105 g għar-razzjon totali ta' kuljum.

2.2.   Għall-finijiet tal-punt 2.1, “proteina” għandha tinftiehem bħala proteina li għaliha il-Punteġġ Aċidu Amminiku korrett għad-diġestibilità tal-proteina (Protein Digestibility-Corrected Amino Acid Score) ikun ta' 1.0 meta mqabbel ma' proteina ta' referenza kif stabbilit fl-Anness II.

2.3.   Iż-żieda tal-aċidu amminiku tista' ssir biss bil-għan li ttejjeb il-valur nutrittiv tal-proteini li hemm fis-sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż, u fil-proporzjonijiet meħtieġa għal dan l-iskop.

3.   KOLINA

Il-kolina li hemm fis-sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż ma għandhiex tkun inqas minn 400 g għar-razzjon totali ta' kuljum.

4.   LIPIDI

4.1.   Aċidu linoleniku

L-aċidu linoleniku li hemm fis-sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż ma għandux ikun inqas minn 11 g għar-razzjon totali ta' kuljum.

4.2.   Aċidu alfa-linoleniku

L-aċidu alfa-linoleniku li hemm fis-sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż ma għandux ikun inqas minn 1,4 g għar-razzjon totali ta' kuljum.

5.   KARBOIDRATI

Il-karboidrati li hemm fis-sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż ma għandux ikun inqas minn 30 g għar-razzjon totali ta' kuljum.

6.   VITAMINI U MINERALI

Is-sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż għandhom jipprovdu tal-anqas l-ammonti ta' vitamini u minerali speċifikati fit-Tabella 1 għar-razzjon totali ta' kuljum.

Is-sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż ma għandhomx ikun fihom aktar minn 250 mg ta' manjeżju għar-razzjon totali ta' kuljum.

Tabella 1

Vitamina A

(μg RE (1))

700

Vitamina D

(μg)

10

Vitamin E (2)

(mg)

10

Vitamina Ċ

(mg)

110

Vitamina K

(μg)

70

Tijamina

(mg)

0,8

Riboflavina

(mg)

1,6

Niaċina

(mg-NE (3))

17

Vitamina B6

(mg)

1,6

Folat

(μg-DFE (4))

330

Vitamina B12

(μg)

3

Bijotina

(μg)

40

Aċidu pantoteniku

(mg)

5

Kalċju

(mg)

950

Fosforu

(mg)

730

Potassju

(g)

3,1

Ħadid

(mg)

9

Żingu

(mg)

9,4

Ram

(mg)

1,1

Jodju

(μg)

150

Molibdenu

(μg)

65

Selenju

(μg)

70

Sodju

(mg)

575

Manjeżju

(mg)

150

Manganiż

(mg)

3

Klorur

(mg)

830


(1)  L-ekwivalenti tar-Retinol.

(2)  L-attività tal-vitamina E ta' RRR α-tocopherol.

(3)  L-ekwivalenti tan-Niacin.

(4)  L-ekwivalenti tal-folat tad-dieta: 1 μg DFE = 1 μg ta' folat tal-ikel = 0,6 μg aċidu foliku minn sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż.


ANNESS II

Mudell tar-rekwiżit tal-aċidu amminiku  (1)

 

g/100 g proteina

Ċistina + metjonina

2,2

Istidina

1,5

Isolewċina

3,0

Lewċina

5,9

Liżina

4,5

Fenilalanina + Tirożina

3,8

Treonina

2,3

Triptofan

0,6

Valina

3,9


(1)  World Health Organization/Food and Agriculture Organization of the United Nations/United Nations University), 2007. Protein and amino acid requirements in human nutrition. (Ir-rekwiżiti tal-proteini u tal-aċidu amminiku fin-nutrizzjoni tal-bniedem). Report of a Joint WHO/FAO/UNU Expert Consultation. (WHO Technical Report Series, 935, 284 pp).


7.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 259/11


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1799

tat-12 ta' Ġunju 2017

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-eżenzjoni ta' ċerti banek ċentrali ta' pajjiżi terzi waqt it-twettiq tagħhom ta' politika monetarja, tal-kambju u tal-istabilità finanzjarja minn rekwiżiti ta' trasparenza ta' qabel u wara n-negozjar

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 1(9) tiegħu,

Billi:

(1)

Tranżazzjonijiet fejn il-membri tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ) huma kontropartijiet huma eżentati mir-rekwiżiti ta' trasparenza tan-negozju skont l-Artikolu 1(6) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 sakemm dawn it-tranżazzjonijiet isegwu l-politika monetarja, tal-kambju jew tal-istabilita finanzjarja.

(2)

Eżenzjoni bħal din mill-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 tista' tiġi estiża, f'konformità mal-Artikolu 1(9) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, meta jissodisfaw ir-rekwiżiti rilevanti, lil banek ċentrali ta' pajjiżi terzi kif ukoll lill-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali, li għall-fini ta' din l-eżenzjoni huwa meqjus ekwivalenti għal bank ċentrali ta' pajjiż terz permezz tal-Artikolu 1(9) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni ħejjiet u ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport fejn tivvaluta t-trattament internazzjonali tal-banek ċentrali ta' pajjiżi terzi. Ir-rapport inkluda analiżi tat-trattament ta' banek ċentrali, inkluż membri tas-SEBĊ, fi ħdan il-qafas legali ta' pajjiżi terzi, u l-impatt potenzjali li r-rekwiżiti ta' divulgazzjoni regolatorji fl-Unjoni jista' jkollhom fuq it-tranżazzjonijiet ta' banek ċentrali ta' pajjiżi terzi. Ir-rapport ikkonkluda fir-rigward tal-analiżi li l-eżenzjoni ta' għadd ta' banek ċentrali ta' pajjiżi terzi mill-obbligi ta' trasparenza ta' negozju tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 kienet meħtieġa, u għalhekk ikkonkluda dwar l-adegwatezza tal-estensjoni tal-eżenzjoni, anke lill-banek ċentrali ta' dawk il-pajjiżi terzi.

(3)

Il-lista tal-banek ċentrali ta' pajjiżi terzi eżentati stabbilita f'dan ir-Regolament għandha tiġi riveduta kif xieraq, inkluż bil-ħsieb li fejn xieraq jiġu estiżi l-eżenzjonijiet lil banek ċentrali ta' pajjiżi terzi oħra li għadhom ma ġewx inklużi fil-lista jew li jitneħħew entitajiet pubbliċi bħal dawn mil-lista.

(4)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Grupp ta' Esperti tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Banek ċentrali ta' pajjiżi terzi eżentati

(L-Artikolu 1(9) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014)

L-Artikolu 1(6) u 1(7) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 għandhom japplikaw għall-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali u għall-banek ċentrali ta' pajjiżi terzi elenkati fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Ġunju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84.


ANNESS

1.

L-Awstralja:

Il-Bank tar-Riżerva tal-Awstralja;

2.

Il-Brażil:

Il-Bank Ċentrali tal-Brażil;

3.

Il-Kanada:

Il-Bank tal-Kanada;

4.

Ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Ħong Kong;

L-Awtorità Monetarja ta' Ħong Kong,

5.

L-Indja:

Bank tar-Riżerva tal-Indja;

6.

Il-Ġappun:

Il-Bank tal-Ġappun;

7.

Il-Messiku:

Il-Bank tal-Messiku;

8.

Ir-Repubblika tal-Korea:

Il-Bank tal-Korea;

9.

Singapor:

L-Awtorità Monetarja ta' Singapore;

10.

L-Iżvizzera:

Il-Bank Nazzjonali Żvizzeru;

11.

It-Turkija:

Il-Bank Ċentrali tar-Repubblika tat-Turkija;

12.

L-Istati Uniti tal-Amerka:

Is-Sistema ta' Riżerva Federali;

13.

Il-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali.


7.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 259/14


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1800

tad-29 ta' Ġunju 2017

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) Nru 151/2013 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 81(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-applikazzjoni tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 151/2013 (2) wera li n-nuqqas ta' standards speċifiċi għal aċċess tad-dejta u aggregazzjoni tad-dejta u ta' tqabbil iwassal għal nuqqasijiet strutturali. In-nuqqas ta' dejta standardizzata, funzjonalità uniformi u format standardizzat ta' messaġġi impedew l-aċċess dirett u immedjat għad-dejta u, konsegwentement, ostakolaw lill-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 milli jivvalutaw ir-riskju sistemiku b'mod effettiv u b'hekk jissodisfaw ir-responsabbiltajiet u l-mandati rispettivi tagħhom.

(2)

Sabiex jiġu rimedjati dawn l-impedimenti, huwa meħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) Nru 151/2013 jiġi emendat billi jkomplu jiġu speċifikati l-istandards operazzjonali meħtieġa biex tiġi aggregata u mqabbla d-dejta fir-repożitorji tad-dejta sabiex jiġi żgurat li l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 ikunu jistgħu jaċċessaw l-informazzjoni meħtieġa sabiex jissodisfaw ir-responsabbiltajiet u l-mandati rispettivi tagħhom.

(3)

Sabiex it-tqabbil u l-aggregazzjoni effiċjenti tad-dejta jiġu ffaċilitati fir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet kollha, il-mudelli b'format XML u l-messaġġi XML żviluppati f'konformità mal-metodoloġija ISO 20022 jenħtieġ li jintużaw għal aċċess għad-dejta u għall-komunikazzjoni bejn l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet. Hu mistenni li dan ma jeskludix il-possibiltà li r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet u l-entitajiet rilevanti jkunu jistgħu jiftiehmu bejniethom biex jipprovdu aċċess jew jikkomunikaw permezz ta' format differenti, apparti dak XML.

(4)

Jenħtieġ li l-mudelli tal-format XML jintużaw biex jipprovdu dejta lill-entitajiet rilevanti b'mod li jiffaċilita l-aggregazzjoni tagħha, filwaqt li jenħtieġ li l-messaġġi XML jintużaw biex jissimplifikaw il-proċess ta' skambju ta' dejta bejn ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet u l-entitajiet rilevanti. Ir-Regolament Delegat (UE) Nru 151/2013 ma jeskludix l-użu addizzjonali separat ta' mudelli b'format mhux XML, bħal valuri separati b'virgola (csv) jew fajls ta' test (txt), sakemm dawn jippermettu lill-entitajiet rilevanti jissodisfaw ir-responsabbiltajiet u l-mandati tagħhom. Jenħtieġ li r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet, għalhekk, jiġu permessi jkomplu jużaw dawk il-formati flimkien mal-użu ta' mudelli b'format XML, iżda qatt ma għandhom ikunu sostitut għalihom. Bħala minimu, jenħtieġ li mudelli b'format XML u messaġġi XML bbażati fuq il-metodoloġija tal-ISO 20022 jintużaw għar-rapporti u l-iskambji kollha tal-output biex jiġu żgurati l-komparabilità u l-aggregazzjoni ta' dejta fir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet kollha.

(5)

L-entitajiet elenkati fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jistgħu jiddelegaw il-kompiti u r-responsabbiltajiet lill-ESMA skont l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 (3), inkluż l-aċċess għal dejta rrapportata lir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet. L-użu ta' delegazzjoni bħal din ma jenħtieġx li jaffettwa bi kwalunkwe mod l-obbligu tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet biex l-entitajiet elenkati fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jingħataw aċċess dirett u immedjat għal dik id-dejta.

(6)

Sabiex tiġi żgurata l-kunfidenzjalità, jenħtieġ li kwalunkwe tip ta' skambju ta' dejta bejn repożitorji tat-tranżazzjonijiet u entitajiet rilevanti jitwettaq permezz ta' konnessjoni minn magna għal magna u bl-użu ta' protokolli ta' kriptaġġ tad-dejta. Sabiex jiġu żgurati standards minimi komuni, jenħtieġ li jintuża Protokoll tat-Trasferiment tal-Fajls SSH (SFTP) bejn ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet u l-entitajiet elenkati fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Dan ma għandux jeskludi l-possibiltà li r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet u l-entitajiet rilevanti jkunu jistgħu jaqblu bejniethom biex jistabbilixxu konnessjonijiet minn magna għal magna sikuri bl-użu ta' kanali addizzjonali, distinti mill-SFTP. Ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet, għalhekk, jenħtieġ li jiġu permessi jkomplu jużaw konnessjonijiet sikuri oħrajn minn magna għal magna barra l-SFTP, iżda qatt bħala sostitut għalih.

(7)

Id-dejta li tikkonċerna l-istat tan-negozju l-aktar reċenti tal-kuntratti tad-derivattivi b'interess miftuħ hija essenzjali għall-monitoraġġ tal-istabbiltà finanzjarja u tar-riskju sistemiku. L-entitajiet rilevanti, għalhekk, jenħtieġ li jkollhom aċċess għal din id-dejta.

(8)

Huwa essenzjali li jiġi ffaċilitat aċċess dirett u immedjat għal settijiet ta' dejta speċifiċi u għalhekk, li jiġi stabbilit sett ta' talbiet ad-hoc kombinabbli li jirreferu għall-partijiet tan-negozju, it-termini ekonomiċi, il-klassifikazzjoni u l-identifikazzjoni tal-kuntratt tad-derivattivi, l-orizzont tal-ħin ta' eżekuzzjoni, ir-rapportar u l-maturità, kif ukoll in-negozju u l-avveniment taċ-ċiklu tal-ħajja.

(9)

L-iskadenza sa meta d-dejta tiġi pprovduta mill-entitajiet rilevanti mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet jenħtieġ li tiġi armonizzata biex jitjieb l-aċċess dirett u immedjat għad-dejta tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet u l-awtoritajiet rilevanti u r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet jkunu jistgħu jtejbu l-iskedar tal-proċessi tad-dejta interni tagħhom.

(10)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) Nru 151/2013 jiġi emendat sabiex ikompli jiġi speċifikat u mtejjeb il-qafas operazzjonali għall-aċċess, l-aggregazzjoni u t-tqabbil tad-dejta fir-repożitorji kollha tad-dejta.

(11)

L-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament Delegat għandha tiġi diferita sabiex tiffaċilita l-adattamenti ta' sistemi mir-repożitorji tat-trażazzjonijiet għall-ispeċifikazzjonijiet imniżżla f'dan ir-Regolament Delegat.

(12)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-istandards tekniċi regolatorji abbozzati ppreżentati mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq lill-Kummissjoni.

(13)

F'konformità mal-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, l-ESMA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-istandards tekniċi regolatorji abbozzati li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament u analizzat il-kosti u l-benefiċċji relatati mal-potenzjal. Dawn il-konsultazzjonijiet pubbliċi ppermettew lill-ESMA tikseb l-opinjonijiet tal-awtoritajiet rilevanti u tal-membri tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ), li ġew ippreżentati mill-BĊE. Barra minn hekk, l-ESMA talbet l-opinjonijiet tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq (SMSG) stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament Delegat (UE) Nru 151/2013

1.   L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

a)

Il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

“1.   Ir-Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi lill-entitajiet elenkati fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 aċċess dirett u immedjat, inkluż fejn teżisti d-delegazzjoni taħt l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, għad-dettalji ta' kuntratti ta' derivattivi f'konformità mal-Artikoli 2 u 3 ta' dan ir-Regolament.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu juża format XML u mudell żviluppat f'konformità mal-metodoloġija tal-ISO 20022. Ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet jista', addizzjonalment, wara ftehim mal-entità kkonċernata, jipprovdi aċċess għal detalji tal-kuntratti tad-derivattivi f'format ieħor li jkun sar qbil reċiproku dwaru.”

b)

Il-paragrafu 2 jitħassar.

2.   Fl-Artikolu 5, il-paragrafi 3 sa 9 li ġejjin huma miżjuda:

“3.   Ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jistabbilixxi u jmantni l-arranġamenti tekniċi meħtieġa biex jiffaċilita lill-entitajiet elenkati fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 li jikkonettjaw bl-użu ta' interfaċċa sikura minn magna għal magna sabiex jissottometti talbiet tad-dejta u jirċievi d-dejta.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu juża l-Protokoll tat-Trasferiment tal-Fajls SSH. Ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu juża messaġġi XML standardizzati żviluppati f'konformità mal-metodoloġija tal-ISO 20022 biex jikkomunika permezz ta' dik l-interfaċċa. Ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet jista', addizzjonalment, wara ftehim mal-entità kkonċernata, jistabbilixxi konnessjoni bl-użu ta' protokoll ieħor li sar qbil reċiproku dwaru.

2.4.   F'konformità mal-Artikoli 2 u 3 ta' dan ir-Regolament, ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi lill-entitajiet elenkati fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 b'aċċess għall-informazzjoni li ġejja:

a)

ir-rapporti kollha dwar kuntratti tad-derivattivi;

b)

l-aħħar stati ta' tranżazzjonijiet ta' kuntratti tad-derivattivi li ma mmaturawx jew li ma kinux soġġetti għal rapport b'tip ta' Azzjoni “E”, “C”, “P” jew “Z” kif imsemmi fil-parti 93 tat-Tabella 2 tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1247/2012 (*1).

5.   Ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jistabbilixxi u jmantni l-arranġamenti tekniċi biex jippermetti lill-entitajiet elenkati fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jistabbilixxu talbiet perjodiċi predefiniti biex jaċċessaw id-dettalji ta' kuntratti tad-derivattivi, kif iddeterminat fil-paragrafu 4, neċessarji għal dawk l-entitajiet biex jissodisfaw ir-reponsabbiltajiet u l-mandati tagħhom.

2.6.   Jekk jintalab, ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi lill-entitajiet elenkati fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 b'aċċess għad-dettalji tal-kuntratti tad-derivattivi skont kwalunkwe kombinazzjoni ta' dawn it-taqsimiet li ġejjin kif imsemmi fl-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1247/2012:

a)

kronogramma tar-rappurtar;

b)

ID tal-Kontroparti li tirrapporta;

c)

ID tal-kontroparti l-oħra;

d)

settur korporattiv tal-kontroparti li tirrapporta;

e)

natura tal-kontroparti li tirrapporta;

f)

ID tas-sensar;

g)

ID tal-entità li qed tissottometti r-rapport;

h)

ID tal-benefiċjarju;

i)

klassi tal-assi;

j)

klassifikazzjoni tal-prodott;

k)

identifikazzjoni tal-prodott;

l)

identifikazzjoni tas-sottostanti;

m)

ċentru tal-eżekuzzjoni;

n)

kronogramma tal-eżekuzzjoni;

o)

data tal-maturità;

p)

data tat-terminazzjoni;

q)

CCP; u

r)

tip ta' azzjoni.

2.7.   Ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jistabbilixxi u jmantni l-kapaċità teknika li jipprovdi aċċess dirett u immedjat għal dettalji tal-kuntratti tad-derivattivi meħtieġa għall-entitajiet elenkati fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 sabiex jissodisfaw il-mandati u r-responsabbiltajiet tagħhom. Dan l-aċċess għandu jiġi pprovdut kif ġej:

a)

fejn entità elenkata fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 titlob aċċess għad-dettalji ta' kuntratti tad-derivattivi pendenti jew ta' kuntratti ta' derivattivi li mmaturaw jew li għalihom hemm rapporti bit-tipi ta' azzjoni “E”, “C”, “Z” or “P” kif imsemmi fil-parti 93 fit-Tabella 2 tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1247/2012 li saru mhux aktar minn sena qabel id-data li fiha ġiet sottomessa t-talba, repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jissodisfa dik it-talba mhux aktar tard minn 12:00 ħin universali koordinat fl-ewwel jum kalendarju wara l-jum li fih ġiet sottomessa t-talba għal aċċess.

b)

fejn entità elenkata fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 titlob aċċess għal dettaljit ta' kuntratti tad-derivattivi li mmaturaw jew li għalihom hemm rapporti bit-tipi ta' azzjoni “E”. “C”, “Z”, jew “P” kif imsemmi fil-parti 93 tat-Tabella 2 tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1247/2012 li saru aktar minn sena qabel id-data li fiha ġiet sottomessa t-talba, repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jissodisfa dik it-talba mhux aktar tard minn tlett ijiem tax-xogħol wara li tkun ġiet sottomessa t-talba għal aċċess.

c)

fejn talba għal dejta ta' aċċess minn entità elenkata fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tirrigwarda kuntratti tad-derivattivi li jaqgħu taħt iż-żewġ punti (a) u (b), ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi d-dettalji ta' dawk il-kuntratti tad-derivattivi mhux aktar tard minn tlett ijiem tax-xogħol wara li tkun ġiet sottomessa dik it-talba għal aċċess.

8.   Ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jikkonferma l-irċevuta u jivverifika l-korrettezza u l-kompletezza ta' kwalunkwe talba għal dejta tal-aċċess imressqa mill-entitajiet elenkati fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Huwa għandu jinnotifka lil dawn l-entitajiet dwar ir-riżultat tal-verifika mhux aktar tard minn sittin minuta wara s-sottomissjoni tat-talba.

9.   Ir-repożitorju tad-dejta għandu juża firma elettronika u protokolli ta' kriptaġġ tad-dejta biex tiġi żgurata l-kunfidenzjalità, l-integrità u l-protezzjoni tad-dejta li tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-entitajiet elenkati fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Novembru 2017.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Ġunju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 151/2013 tad-19 ta' Diċembru 2012 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw id-dejta li trid tiġi ppubblikata u li għandha tkun disponibbli minn repożitorji tat-tranżazzjonijiet u standards operazzjonali biex tiġi aggregata, imqabbla u aċċessata d-dejta (ĠU L 52, 23.2.2013, p. 33)

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).


7.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 259/18


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1801

tat-13 ta' Lulju 2017

li jikkoreġi xi wħud mill-verżjonijiet lingwistiċi tar-Regolament Delegat (UE) 2016/2250 li jistabbilixxi pjan ta' skartar għal ċertu sajd demersali fil-Baħar tat-Tramuntana u fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-Diviżjoni IIa tal-ICES

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(6) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 6 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2250 (2) jistabbilixxi eżenzjoni de minimis mill-obbligu ta' ħatt l-art għal ċertu speċijiet maqbuda bl-użu ta' ċerti rkapti.

(2)

Il-verżjoni lingwistika Ċeka, Daniża, Ġermaniża, Slovakka u Taljana tar-Regolament Delegat (UE) 2016/2250 fihom żball fl-Artikolu 6(f) dwar it-tipi ta' rkaptu użat.

(3)

Il-verżjoni lingwistika Daniża tar-Regolament Delegat (UE) 2016/2250 fiha żbalji addizzjonali fl-Artikolu 6(e), (f) u (g) dwar l-ispeċijiet suġġetti għal-eżenzjoni de minimis; fl-Artikolu 8(2)(c) u (d) u fl-Artikolu 8(3) dwar il-miżuri tekniċi u speċifiċi fi Skagerrak u fl-Anness, in-nota f'qiegħ il-paġna 3 dwar id-definizzjoni tal-bastimenti koperti. Il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħrajn mhumiex affettwati.

(4)

Għalhekk ir-Regolament Delegat (UE) 2016/2250 jenħtieġ li jiġi kkoreġut skont dan.

(5)

Sabiex ikun hemm kundizzjonijiet ekwi għas-sajjieda kollha li jibbenefikaw mill-eżenzjoni de minimis, dan ir-Regolament Delegat għandu jiġi applikat b'effett mid-data ta' applikazzjoni stabbilita fir-Regolament Delegat (UE) 2016/2250,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

(ma japplikax għal-lingwa Maltija)

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2017.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Lulju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2250 tal-4 ta' Ottubru 2016 li jistabbilixxi pjan ta' skartar għal ċertu sajd demersali fil-Baħar tat-Tramuntana u fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-Diviżjoni IIa tal-ICES (ĠU L 340, 15.12.2016, p. 2).


DEĊIŻJONIJIET

7.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 259/20


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT POLITIKU U TA' SIGURTÀ (PESK) 2017/1802

tat-28 ta' Settembru 2017

dwar il-ħatra tal-Kap tal-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea għat-Territorji Palestinjani (EUPOL COPPS) (EUPOL COPPS/1/2017)

IL-KUMITAT POLITIKU U TA' SIGURTÀ,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari t-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/354/PESK tat-3 ta' Lulju 2013 dwar il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea għat-Territorji Palestinjani (EUPOL COPPS) (1),u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1) tagħha,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 9(1) tad-Deċiżjoni 2013/354/PESK, il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) huwa awtorizzat, f'konformità mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 tat-Trattat, li jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti bil-għan li jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea għat-Territorji Palestinjani (EUPOL COPPS), inkluż id-deċiżjoni li jinħatar Kap tal-Missjoni.

(2)

Fis-17 ta' Frar 2015, il-KPS adotta d-Deċiżjoni EUPOL COPPS/1/2015 (2), li taħtar is-Sur Rodolphe MAUGET bħala Kap tal-Missjoni EUPOL COPPS mis-16 ta' Frar 2015 sat-30 ta' Ġunju 2015.

(3)

Il-mandat tas-Sur Rodolphe MAUGET bħala Kap tal-Missjoni EUPOL COPPS ġie estiż diversi drabi, l-aktar reċentement permezz tad-Deċiżjoni tal-KPS EUPOL COPPS/1/2016 (3), li estendiet il-mandat tiegħu bħala Kap tal-Missjoni EUPOL COPPS sat-30 ta' Ġunju 2017.

(4)

Fit-22 ta' Settembru 2017, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà ppropona l-ħatra tas-Sur Kauko AALTOMAA bħala Kap tal-Missjoni EUPOL COPPS mill-1 ta' Ottubru 2017 sat-30 ta' Ġunju 2018,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-Sur Kauko AALTOMAA huwa b'dan maħtur Kap tal-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea għat-Territorji Palestinjani (EUPOL COPPS) mill-1 ta' Ottubru 2017 sat-30 ta' Ġunju 2018.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Settembru 2017.

Għall-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà

Il-President

W. STEVENS


(1)  ĠU L 185, 4.7.2013, p. 12.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (PESK) 2015/381 tas-17 ta' Frar 2015 dwar il-ħatra tal-Kap tal-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea fit-Territorji Palestinjani (EUPOL COPPS) (EUPOL COPPS/1/2015) (ĠU L 64, 7.3.2015, p. 37).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (PESK) 2016/1193 tat-12 ta' Lulju 2016 li testendi l-mandat tal-Kap tal-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea għat-Territorji Palestinjani (EUPOL COPPS) (EUPOL COPPS/1/2016) (ĠU L 197, 22.7.2016, p. 1).


RAKKOMANDAZZJONIJIET

7.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 259/21


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1803

tat-3 ta' Ottubru 2017

dwar it-titjib tas-soluzzjonijiet legali għal persuni fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali

(notifikata bid-dokument C(2017) 6504)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-risistemazzjoni hija għodda importanti li toffri protezzjoni lil persuni spostati bil-forza kif ukoll turija ċara ta' solidarjetà globali ma' pajjiżi terzi sabiex jingħataw għajnuna biex ikunu jistgħu jlaħħqu ma' ammonti kbar ta' persuni li jkunu qegħdin jaħarbu mill-gwerer jew mill-persekuzzjoni. Bis-sostituzzjoni ta' flussi migratorji perikolużi u irregolari lejn l-Unjoni b'soluzzjonijiet sikuri u legali, ir-risistemazzjoni tgħin biex jiġu salvati l-ħajjiet, tikkontribwixxi fit-tnaqqis tal-migrazzjoni irregolari u fil-ġestjoni tal-pressjoni migratorja, u tegħleb in-narrattiva tan-netwerks tal-faċilitaturi tal-immigrazzjoni illegali. Ir-risistemazzjoni għalhekk hija wkoll element importanti tal-politika komprensiva tal-UE dwar l-asil u l-migrazzjoni.

(2)

F'Settembru 2015, il-kriżi fil-Mediterran xprunat lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni biex immedjatament jirrikonoxxu s-sitwazzjoni ta' emerġenza minħabba l-flussi migratorji eċċezzjonali fir-reġjun u appellaw biex jiġu adottati miżuri fuq perjodu qasir kif ukoll għat-tul, mill-affaċċjar ta' flussi migratorji barra mill-UE sal-iżgurar ta' kontroll effetiv tal-fruntieri esterni tagħna, it-tisħiħ tal-politika ta' ritorn tal-UE filwaqt li fl-istess ħin tiġi riformata s-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (Common European Asylum System — CEAS) u jiġu pprovduti perkorsi mtejba għal modi sikuri u legali kif wieħed jista' jasal fl-UE.

(3)

Bħala parti mill-miżuri immedjati u bil-ħsieb li tiġi indirizzata l-kriżi migratorja b'mod komprensiv u b'turija ta' solidarjetà ma' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin iġorru l-piż tal-kriżi globali tar-rifuġjati, fit-8 ta' Ġunju 2015 il-Kummissjoni rrakkomandat skema għal madwar l-UE kollha biex tirrisistema 20 000 persuna fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali, fuq perjodu ta' sentejn (1). Fl-20 ta' Lulju 2015, l-Istati Membri, flimkien mal-Istati Assoċjati ta' Dublin, qablu li jirrisistemaw 22 504 persuna fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali mil-Lvant Nofsani, il-Qarn tal-Afrika u l-Afrika ta' Fuq (2).

(4)

Sabiex jitħarbtu n-netwerks tal-faċilitaturi tal-immigrazzjoni illegali u sabiex jiġu offruti alternattivi lill-migranti, minflok iqiegħdu ħajjithom f'riskju, l-UE u t-Turkija fit-18 ta' Marzu 2016 iddeċidew li jkissru ċ-ċiklu ta' flussi mhux ikkontrollati ta' migranti li kien qiegħed joħloq kriżi umanitarja, u qablu fuq għadd ta' azzjonijiet inkluż ir-risistemazzjoni ta' Sirjani fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali fl-Istati Membri.

(5)

Wara d-Dikjarazzjoni bejn l-UE u t-Turkija, il-Kunsill emenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601 (3) sabiex jippermetti lill-Istati Membri jissodisfaw l-obbligi ta' rilokazzjoni tagħhom f'rabta mal-54 000 applikant permezz tar-risistemazzjoni, l-ammissjoni umanitarja, jew forom oħra ta' ammissjoni legali ta' Sirjani fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali mit-Turkija taħt l-iskemi nazzjonali u multilaterali tagħhom.

(6)

Id-Dikjarazzjon ta' New York għar-Refuġjati u l-Migranti tad-19 ta' Settembru 2016 adottata mill-193 Stat Membru kollha tan-Nazzjonijiet Uniti appellat għal tqassim aktar ekwu tal-piż u tar-responsabbiltà tal-akkoljenza u s-sostenn lir-refuġjati fid-dinja. L-Istati Membri tan-Nazzjonijiet Uniti esprimew l-intenzjoni tagħhom li jkabbru l-għadd u l-firxa ta' soluzzjonijiet legali disponibbli għar-refuġjati biex jiddaħħlu jew jiġu risistemati f'pajjiżi terzi (4).

(7)

Sal-20 ta' Settembru 2017 aktar minn 23 000 persuna ġew risistemati taħt l-iskema maqbula fl-20 ta' Lulju 2015 u taħt id-Dikjarazzjoni UE-Turkija. L-Istati Membri rrisistemaw aktar persuni fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali permezz tal-iskemi nazzjonali tagħhom stess.

(8)

Fl-2016 biss, l-Istat Membri rrisistemaw 14 205 refuġjat, żieda sinifikanti meta mqabbla mat-8 155 persuna risistemati fl-2015, 6 550 fl-2014 u bejn 4 000 u 5 000 kull sena fil-perjodu bejn l-2010 u l-2013. Din iż-żieda turi l-valur miżjud u l-potenzjal tal-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni msaħħa fil-livell tal-UE fil-qasam tar-risistemazzjoni. Hija turija wkoll tal-importanza li jkun hemm finanzjament adegwat għar-risistemazzjoni mill-baġit tal-UE peress li s-somma ta' EUR 293,3 miljun ġiet impenjata għall-perjodu 2014-2017.

(9)

Jenħtieġ li l-Istati Membri li għadhom ma implimentawx il-wegħdi li għamlu taħt l-iskemi preżenti jagħmlu dan mill-aktar fis possibbli. Jenħtieġ li kull wegħda li tifdal wara li jiskadu ż-żewġ skemi tiġi ttrasferita lejn l-eżerċizzju ta' risistemazzjoni li jiġi wara u tkun b'żieda mal-wegħdi l-ġodda li l-Istati Membri se jagħmlu.

(10)

L-UE jinħtiġilha li timxi minn skemi ta' ammissjoni ta' risistemazzjoni u umanitarji ad hoc lejn qafas stabbli għar-risistemazzjoni lejn l-UE. Għal dan il-għan, tressqet mill-Kummissjoni l-proposta għal Qafas ta' Risistemazzjoni tal-Unjoni (5) li jipprovdi soluzzjonijiet sikuri u legali għall-protezzjoni internazzjonali għal dawk fil-bżonn bħala parti minn reviżjoni mill-qiegħ tas-sistema tal-asil tal-UE. L-adozzjoni malajr tal-proposta hija element importanti ta' politika Ewropea dwar l-asil u l-migrazzjoni li tkun aktar effiċjenti, ġusta u stabbli.

(11)

Sabiex jiġi żgurat li tibqa' sejra r-risistemazzjoni sakemm jiġi stabbilit Qafas ta' Risistemazzjoni tal-Unjoni, fl-4 ta' Lulju 2017 il-Kummissjoni fit-Tmien (8) Forum dwar ir-Risistemazzjoni u r-Rilokazzjoni stiednet lill-Istati Membri biex jippreżentaw wegħdi ambizzjużi ta' risistemazzjoni, abbażi tal-prijorijiet maqbula għal dan il-perjodu u anki f'konformità mal-Ħtiġijiet Globali Ipproġettati għall-2018 tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR — United Nations High Commissioner for Refugees).

(12)

L-iskop ta' din ir-Rakkomandazzjoni huwa dak li jiġi żgurat li l-isforzi tar-risistemazzjoni jkunu jistgħu jitkomplew fil-perjodu bejn it-tmiem tal-iskemi preżenti ta' risistemazzjoni tal-UE u l-operazzjonalizzazzjoni tal-Qafas ta' Risistemazzjoni tal-Unjoni u jsegwu l-eżerċizzju ta' wegħdi li tnieda fl-4 ta' Lulju 2017 fid-dawl tal-ħtiġijiet addizzjonali emerġenti kif stabbilit fil-Ħtiġijiet Globali Ipproġettati ta' Risistemazzjoni tal-UNHCR għall-2018.

(13)

Ir-Rakkomandazzjoni għandha l-għan li tagħti sostenn lill-isforzi kontinwi tal-Istati Membri fil-provvediment u t-titjib ta' kanali legali u sikuri għal persuni fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali. L-azzjonijiet tal-Istati Membri konformi ma' din ir-Rakkomandazzjoni se juru solidarjetà ma' pajjiżi terzi fejn għadd kbir ta' persuni fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali jiġu spostati, jikkontribwixxu għal inizjattivi ta' risistemazzjoni internazzjonali u jikkontribwixxu għal ġestjoni kumplessivament aħjar tas-sitwazzjoni migratorja. L-objettivi ta' din ir-Rakkomandazzjoni huma għalhekk konformi mal-proposta ta' Qafas ta' Risistemazzjoni tal-Unjoni.

(14)

L-għażla ta' reġjuni ta' prijorità hija bbażata fuq il-ħtieġa li tibqa' tiġi implimentata d-Dikjarazzjoni tat-18 ta' Marzu 2016 bejn l-UE u t-Turkija, inkluż permezz tal-Iskema Volontarja ta' Ammissjoni Umanitarja (Voluntary Humanitarian Admission Scheme — VHAS) li se tiġi stabbilita, li titkompla r-risistemazzjoni mill-Ġordan u mil-Libanu u biex isir segwitu wara t-tħabbira fil-“Pjan ta' azzjoni dwar miżuri ta' sostenn lill-Italja, titnaqqas il-pressjoni matul ir-rotta til-Mediterran Ċentrali u żżid is-solidarjetà” (6) li ssir risistemazzjoni mill-pajjiżi Afrikani kruċjali matul ir-rotta migratorja li twassal għall-Mediterran Ċentrali, li tinkludi l-Libja, in-Niġer, iċ-Ċad, l-Etjopja u s-Sudan.

(15)

L-eżerċizzju ta' wegħdi mniedi fl-4 ta' Lulju 2017 wassal biex, sal-20 ta' Settembru, l-Istati Membri ppreżentaw wegħdi għal madwar 14 000 persuna. Hemm bżonn ta' impenn aktar qawwi mill-Istati Membri sabiex jingħata kontribut lejn sforz komuni biex jiġu salvati l-ħajjiet u jiġu offruti alternattivi kredibbli għall-movimenti irregolari.

(16)

Il-ħtiġijiet ta' risistemazzjoni globali huma fil-livell ta' 1,2 miljun persuna u l-UNHCR ripetutament appellat lill-pajjiżi kollha biex b'mod progressiv iżżid id-daqs tal-programmi ta' risistemazzjoni rispettivi tagħhom f'konformità mal-intenzjonijiet espressi fid-Dikjarazzjoni ta' New York għar-Refuġjati. Quddiem dan l-isfond u abbażi tal-progress miksub sa mill-2015, jenħtieġ li l-Unjoni toffri tal-anqas 50 000 post ta' risistemazzjoni biex idaħħal minn pajjiżi terzi, sal-31 ta' Ottubru 2019, persuni fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali.

(17)

Sabiex l-Istati Membri jingħataw sostenn fl-implimentazzjoni ta' din il-mira, jenħtieġ li jkun hemm EUR 500 miljun disponibbli mill-baġit tal-Unjoni. Suġġett għall-kundizzjonijiet tal-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (Asylum Migration and Integration Fund — AMIF) l-Istati Membri jistgħu jirċievu somma f'daqqa ta' EUR 10 000 għal kull persuna risistemata minn reġjuni ta' prijorità.

(18)

L-UNHCR qiegħda tippjana li tistabbilixxi mekkaniżmu tempranju għall-evakwazzjoni ta' emerġenza tal-aktar gruppi vulnerabbli ta' migranti mil-Libja. Jenħtieġ li l-UE, flimkien ma' atturi globali oħra, tikkontribwixxi għal dan il-mekkaniżmu sabiex ikollu impatt reali billi jippermetti lill-persuni l-aktar vulnerabbli fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali u li bħalissa jinsabu fil-Libja biex ikollhom aċċess għal opportunitajiet ta' risistemazzjoni. Il-migrazzjoni irregolari tintemm biss jekk ikun hemm alternattiva vera u proprja għall-vjaġġi riskjużi. Meta jikkunsidraw il-wegħdi tagħhom ta' risistemazzjoni, l-Istati Membri jenħtieġ li għalhekk jieħdu f'kunsiderazzjoni u jappoġġjaw din l-inizjattiva tal-UNHCR.

(19)

F'Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-Indirizzar tal-Isfida tal-Migrazzjoni u l-Asil tat-28 ta' Awwissu 2017, ir-rappreżentanti minn Franza, il-Ġermanja, l-Italja, Spanja u r-Rappreżentant Għoli / il-Viċi President tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, flimkien mar-rappreżentanti tan-Niġer u taċ-Ċad, kif ukoll il-President tal-Kunsill Presidenzjali tal-Libja, għarfu l-ħtieġa, hekk kif tibda titnaqqas il-migrazzjoni mbuttata mill-faċilitaturi tal-immigrazzjoni illegali, li tiġi organizzata r-risistemazzjoni ta' persuni fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali li jkunu partikolarment vulnerabbli.

(20)

Mill-anqas 50 000 post ta' risistemazzjoni li għandhom jiġu offruti mill-Unjoni mir-reġjuni ta' prijorità se jkunu ta' kontribut f'inizjattivi ta' solidarjetà globali biex jiżdiedu s-soluzzjonijiet legali, inkluż l-appell globali reċenti tal-UNHCR għal 40 000 post ta' risistemazzjoni mill-pajjiżi matul ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali fl-2018.

(21)

Sabiex jiżguraw il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jirrappurtaw kull xahar lill-Kummissjoni dwar il-persuni risistemati fit-territorju tagħhom, skont l-impenji tagħhom, u jispeċifikaw il-pajjiż minn fejn il-persuna tkun ġiet risistemata.

(22)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tanalizza l-progress fl-implimentazzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni sal-31 ta' Ottubru 2018. Abbażi ta' din l-analiżi, u wara li tieħu kont tas-sitwazzjoni migratorja kumplessiva fl-UE u globalment, l-Istati Membri jistgħu jiġu mistiedna li jkomplu jirrevedu l-wegħdu tagħhom.

(23)

Jenħtieġ li din ir-rakkomandazzjoni tiġi indirizzata lill-Istati Membri. L-Istati Assoċjati huma mistiedna li jikkontribwixxu għall-isforzi komuni Ewropej ta' risistemazzjoni,

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

ŻIEDA FIL-WEGĦDI TA' RISISTEMAZZJONI

(1)

Abbażi tal-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni tal-iskemi preżenti tal-UE ta' risistemazzjoni, u sabiex ma jkunx hemm interruzzjonijiet matul it-tranżizzjoni bejn dawn l-iskemi u l-Qafas ta' Risistemazzjoni tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri joffru mill-anqas 50 000 post ta' risistemazzjoni biex sal-31 ta' Ottubru 2019 idaħħlu persuni fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali minn pajjiżi terzi.

(2)

L-Istati Membri li għadhom ma ppreżentawx il-wegħdi tagħhom taħt l-eżerċizzju ta' għoti ta' impenji ta' risistemazzjoni mniedi mill-Kummissjoni fl-4 ta' Lulju 2017 għandhom jagħmlu dan mhux aktar tard mill-31 ta' Ottubru 2017, u jenħtieġ li dawk li diġà għamlu dan jikkunsidraw li jżidu l-wegħdi tagħhom sabiex tinkiseb il-mira.

(3)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiffukaw l-impenji tagħhom:

(a)

sabiex jiġi żgurat li tkompli r-risistemazzjoni mit-Turkija ta' Sirjani u ta' ċittadini ta' pajjizi terzi u ta' persuni apolidi spostati minħabb l-kunfllitt fis-Sirja sabiex jingħata sostenn lill-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni bejn l-UE u t-Turkija tat-18 ta' Marzu 2016, inkluż permezz tal-Iskema Volontarja ta' Ammissjoni Umanitarja li se tiġi stabbilita.

(b)

sabiex jiġi żgurat li tkompli r-risistemazzjoni mil-Libanu u mill-Ġordan;

(c)

sabiex jingħata kontribut lill-istabilizzazjoni tas-sitwazzjoni fil-Mediterran Ċentrali billi jiġu risistemati persuni fil-bżonn ta' protezzjoni mil-Libja, in-Niġer, iċ-Ċad, l-Eġittu, l-Etjopja u s-Sudan, inkluż billi jingħata appoġġ lill-mekkaniżmu temporanju tal-UNHCR għall-evakwazzjoni ta' emerġenza tal-aktar gruppi vulnerabbli ta' migranti mil-Libja.

(4)

L-Istati Membri huma mistiedna li jirrisistemaw, fit-twettiq tal-wegħdi tagħhom, kemm jista' jkun malajr, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-UNHCR u bis-sostenn mill-EASO, kif ikun xieraq.

MONITORAĠĠ

(5)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jikkomunikaw kull xahar lill-Kummissjoni l-għadd ta' persuni risistemati fit-territorju tagħhom, fit-twettiq mal-wegħdi tagħhom, u jispeċifikaw il-pajjiż minn fejn il-persuna tkun ġiet risistemata.

APPOĠĠ FINANZJARJU

(6)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mis-sostenn finanzjarju ta' EUR 500 miljun li qiegħed isir disponibbli permezz tal-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni għat-twettiq tal-wegħdi ta' risistemazzjoni li ssir referenza għalihom f'din ir-Rakkomandazzjoni.

ANALIŻI

(7)

Il-Kummissjoni tagħmel analiżi ta' din ir-Rakkomandazzjoni mhux aktar tard mill-31 ta' Ottubru 2018. Wara l-analiżi mill-Kummissjoni tal-implimentazzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni, u wara li tkun ħadet kont tas-sitwazzjoni migratorja kumplessiva fl-UE u globalment, l-Istati Membri jistgħu jiġu mistiedna li jkomplu jirrevedu l-wegħdi tagħhom kif ikun xieraq.

DESTINATARJI

(8)

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta' Ottubru 2017.

Għall-Kummissjoni

Dimitris AVRAMOPOULOS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Ġunju 2015 dwar l-iskema ta' risistemazzjoni Ewropea, C(2015) 3560 finali.

(2)  Il-konklużjonijiet tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill tal-20 ta' Lulju 2015.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1754 tad-29 ta' Settembru 2016 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2015/1601 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja (ĠU L 268, 1.10.2016, p. 82).

(4)  Id-Dikjarazzjoni ta' New York għar-Refuġjati u l-Migranti; disponibbli fuq: http://www.unhcr.org/new-york-declaration-for-refugees-and-migrants.html.

(5)  COM(2016) 468 finali.

(6)  SEC(2017) 339.


7.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 259/25


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1804

tat-3 ta' Ottubru 2017

dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen dwar l-introduzzjoni mill-ġdid temporanja ta' kontrolli tal-fruntieri interni fiż-żona Schengen

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

F'żona mingħajr kontrolli tal-fruntieri interni, l-introduzzjoni mill-ġdid temporanja ta' kontrolli fil-fruntieri interni tista' tiġi deċiża biss f'ċirkostanzi eċċezzjonali sabiex ikun ipprovdut rispons għal sitwazzjonijiet li jaffettwaw b'mod serju l-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna ta' dik iż-żona, ta' partijiet minnha, jew ta' Stat Membru wieħed jew aktar. Minħabba l-impatt li l-introduzzjoni mill-ġdid jista' jkollha fuq il-persuni u l-oġġetti kollha li għandhom id-dritt li jiċċaqilqu b'mod liberu fi ħdan iż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni, hija tista' tkun biss miżura tal-aħħar rimedju soġġetta għal kundizzjonijiet stretti fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni u t-tul taż-żmien ta' kwalunkwe introduzzjoni mill-ġdid temporanja.

(2)

Id-dispożizzjonijiet attwali tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen jipprevedu l-possibbiltà biex mingħajr dewmien jerġgħu ikunu introdotti kontrolli b'mod temporanju fil-fruntieri interni fejn theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna tirrikjedi azzjoni immedjata fi Stat Membru, għal perjodu ta' mhux aktar minn xahrejn (l-Artikolu 28). Il-Kodiċi jipprovdi wkoll għall-introduzzjoni mill-ġdid ta' kontrolli fil-fruntiera għal theddid serju għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna f'każ ta' avvenimenti prevedibbli, għal perjodu ta' mhux aktar minn sitt xhur (l-Artikolu 25). L-implimentazzjoni flimkien tal-Artikoli 28 u 25 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen tippermetti li l-kontrolli fil-fruntieri jinżammu għal perjodu totali ta' mhux iktar minn tmien xhur. Barra minn hekk, theddida ġdida għall-politika pubblika jew għas-sigurtà interna twassal għal applikazzjoni ġdida tar-regoli (u għaldaqstant kalkolu ġdid tat-tul tal-perjodu ta' kontrolli).

(3)

L-Artikolu 29 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen jinkludi proċedura eċċezzjonali li tippermetti l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni għal perjodu massimu ta' sentejn fejn il-funzjonament kumplessiv taż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni jitqiegħed f'riskju b'riżultat ta' nuqqasijiet serji persistenti relatati mal-kontroll tal-fruntieri esterni identifikati waqt evalwazzjoni ta' Schengen. Bl-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), din il-proċedura tista' tintuża wkoll f'każ li Stat Membru ma jieħux l-azzjoni meħtieġa wara valutazzjoni tal-vulnerabbiltà jew ma jikkooperax mal-Aġenzija, fejn is-sitwazzjoni fil-fruntieri esterni teħtieġ azzjoni urġenti.

(4)

Filwaqt li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet il-limiti taż-żmien fis-seħħ bħalissa wrew li kienu biżżejjed,l-aħħar żminijiet wrew li ċertu theddid serju għall-politika pubblika jew għas-sigurtà interna, bħal theddid terroristiku jew movimenti sekondarji importanti mhux kontrollati fi ħdan l-Unjoni, jistgħu jippersistu sew lil hinn mill-perjodi msemmija hawn fuq.

(5)

Il-Kummissjoni adottat proposta għal emenda tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen biex dawn it-theddidiet persistenti jiġu ndirizzati fil-futur. Il-proposta timmodifika l-limiti ta' żmien kif stipulati fl-Artikolu 25 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen f'każ ta' avvenimenti prevedibbli u, bħala tali, tagħraf li l-estensjoni tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni lill'hinn mil-limiti ta' żmien attwali tista' tiġi ġġustifikata sa perjodu massimu ta' sentejn. Barra minn hekk, il-proposta tipprevedi wkoll għall-possibbiltà li jiġu estiżi l-kontrolli fil-fruntieri interni fejn it-theddida speċifika għas-sigurtà interna jew għall-politika pubblika tippersisti anki lil hinn minn dak il-limitu ta' żmien.

(6)

Dawn l-iskadenzi l-ġodda huma akkumpanjati minn rekwiżiti proċedurali addizzjonali għall-Istati Membri li għandhom jiġu sodisfatti qabel l-introduzzjoni mill-ġdid jew l-estensjoni tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni. B'mod partikolari, l-Istati Membri huma meħtieġa jappoġġjaw n-notifiki tagħhom b'valutazzjoni tar-riskju li turi li l-introduzzjoni mill-ġdid jew l-estensjoni pjanata ta' kontrolli fil-fruntieri interni hija miżura tal-aħħar istanza u jispjegaw kif kontrolli fil-fruntieri interni jistgħu jgħinu biex tiġi indirizzata t-theddida identifikata. Barra minn hekk, il-Kummissjoni issa hija obbligata tagħti opinjoni kull meta l-kontrolli fil-fruntieri interni jaqbżu sitt xhur. Id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw “il-proċedura ta' konsultazzjoni” wara l-opinjoni tal-Kummissjoni huma modifikati wkoll biex jirriflettu r-rwol il-ġdid għal Gwardja Ewropea tal-Fruntieri u tal-Kosta u l-Europol u biex jiġi żgurat li r-riżultati ta' dawn il-konsultazzjonijiet, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-parteċipazzjoni ta' Stati Membri ġirien, jitqiesu kif xieraq. Dawn il-bidliet kollha huma maħsuba biex jiżguraw li l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni jintużaw biss meta u sakemm ikun meħtieġ u ġustifikat.

(7)

Il-bidliet proposti għall-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen jibnu fuq id-dispożizzjonijiet attwali. Waqt li jistennew l-adozzjoni tal-emenda tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen kif spjegat fid-dettall hawn fuq, huwa essenzjali li l-Istati Membri kollha li jkollhom il-ħsieb li jintroduċu mill-ġdid b'mod temporanju l-kontroll fil-fruntieri interni jimplimentaw għalkollox ir-rekwiżiti tad-dispożizzjonijiet eżistenti tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen li issa diġà jirrikjedi li l-Istati Membri li biħsiebhom jużaw din il-miżura l-ewwel jikkunsidraw miżuri alternattivi ta' kontrolli fil-fruntieri u li jikkoperaw mal-Istati Membri ġirien.

(8)

Skont l-Artikolu 26 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, qabel ma tittieħed deċiżjoni biex jiġu introdotti mill-ġdid jew li jiġu estiżi l-kontrolli temporanji fil-fruntieri interni, l-Istat Membru kkonċernat għandu jivvaluta sa fejn tali miżura x'aktarx li tirrimedja b'mod adegwat it-theddid għall-politika pubblika jew għas-sigurtà interna, kif ukoll il-proporzjonalità tal-miżura fir-rigward ta' dik it-theddida, waqt li jikkunsidra, fost l-oħrajn, l-impatt probabbli ta' tali miżura fuq il-moviment liberu ta' persuni fiż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni. Kontrolli mmirati, ibbażati fuq analiżi tar-riskju u intelligence aġġornati l-ħin kollu għalhekk għandhom jgħinu fl-ottimizzazzjoni tal-benefiċċju tal-kontrolli u jillimitaw l-effetti negattivi tagħhom fuq il-moviment liberu.

(9)

L-Istati Membri affettwati mill-kontrolli introdotti mill-ġdid fit-taqsimiet rilevanti tal-fruntiera għandhom jingħataw l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar il-ħtieġa tagħhom, bil-ħsieb li tiġi organizzata kooperazzjoni reċiproka bejn l-Istati Membri kollha involuti u biex jiġu eżaminati, fuq bażi regolari, il-proporzjonalità tal-miżuri għall-avvenimenti li jagħtu lok għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli tal-fruntieri u t-theddid għall-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna. L-Istat Membru li ddeċieda li jintroduċi mill-ġdid dawn il-kontrolli għandu jikkunsidra dawk il-fehmiet meta jeżamina u jirrevedi l-ħtieġa ta' verifiki bħal dawn, bl-għan li jadattahom regolarment skont iċ-ċirkostanzi.

(10)

Skont l-Artikolu 27(1)(e) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, l-Istat Membru tal-estensjoni jew l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni għandu jipprovdi, fost l-oħrajn, informazzjoni dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri l-oħra fil-kuntest tar-reviżjoni ppjanata tal-kontrolli fuq il-fruntieri. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 27(5) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, jistgħu jsiru laqgħat konġunti, bejn l-Istat Membru li jkun qed jippjana li jerġa' jintroduċi l-kontrolli fil-fruntieri interni, l-Istati Membri l-oħra, speċjalment dawk affettwati direttament minn tali miżuri, u l-Kummissjoni bil-ħsieb li tiġi organizzata, fejn xieraq, kooperazzjoni reċiproka bejn l-Istati Membri. Dawn il-kuntatti ma' Stati Membri ġirien għandhom jintużaw biex jillimitaw l-impatt fuq il-moviment liberu.

(11)

Minħabba li l-introduzzjoni temporanja mill-ġdid ta' kontroll fil-fruntieri interni tista' ssir biss f'ċirkostanzi eċċezzjonali u bħala miżura tal-aħħar rimedju, l-Istati Membri l-ewwel għandhom jeżaminaw jistgħux jintużaw miżuri alternattivi oħra għall-kontroll tal-fruntieri li jirrimedjaw b'mod effettiv it-theddida identifikata u jiddeċiedu li jintroduċu mill-ġdid il-kontrolli fil-fruntieri interni kkonċernati biss bħala l-aħħar miżura, meta tali miżuri anqas restrittivi għal traffiku transfruntier ma jistgħux jindirizzaw it-theddidiet identifikati b'mod xieraq. L-Istati Membri kkonċernati għandhom jinfurmaw dwar l-eżitu ta' din ir-riflessjoni u r-raġunijiet għall-għażla għal kontrolli fuq il-fruntieri fin-notifika tagħhom skont l-Artikolu 27(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen.

(12)

F'dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-isforzi kollha meħtieġa biex ikomplu jimplimentaw bis-sħiħ ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Mejju 2017 (C(2017) 3349 finali) dwar kontrolli tal-pulizija proporzjonati u l-kooperazzjoni tal-pulizija fiż-żona Schengen.

(13)

Din ir-Rakkomandazzjoni għandha tkun implimentata bir-rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali.

(14)

Din ir-Rakkomandazzjoni għandha tkun indirizzata lill-Istati ta' Schengen kollha marbuta mit-Titolu III tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

NILLIMITAW L-IMPATT FUQ IL-MOVIMENT LIBERU

Sabiex jinstab il-bilanċ ġust bejn il-ħtieġa li jiġu protetti l-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna tal-Istati Membri u l-benefiċċji ta' żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni, l-Istati Membri li biħsiebhom jintroduċu mill-ġdid kontrolli temporanji fil-fruntieri interni għandhom jikkunsidraw bir-reqqa u jevalwaw b'mod regolari l-aspetti li ġejjin meta, skont l-Artikolu 26 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, jivvalutaw il-ħtieġa u l-proporzjonalità ta' kwalunkwe introduzzjoni mill-ġdid temporanja ta' kontrolli fil-fruntieri interni skont l-Artikoli 25 u 28 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen:

(a)

l-impatt probabbli ta' tali introduzzjoni mill-ġdid fuq il-moviment liberu ta' persuni fi ħdan iż-żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni;

(b)

l-impatt probabbli ta' tali introduzzjoni mill-ġdid fis-suq intern.

Għal dan l-għan, l-Istati Membri li biħsiebhom jintroduċu mill-ġdid kontrolli temporanji fil-fruntieri interni, in-notifika skont l-Artikolu 27(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, għandhom jinfurmaw f dwar l-eżitu tal-valutazzjoni tagħhom dwar l-impatt tal-introduzzjoni mill-ġdid jew l-estensjoni ppjanata tal-kontrolli fil-fruntieri interni fuq il-moviment ħieles u s-suq intern.

L-Istati Membri li għandhom il-ħsieb jintroduċu mill-ġdid kontrolli temporanji fil-fruntieri interni għandhom joqogħdu lura minn kwalunkwe miżura li ma tkunx iġġustifikata mit-theddida serja identifikata għall-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna. Pereżempju, huma għandhom jillimitaw is-sezzjonijiet tal-fruntiera fejn jerġgħu idaħħlu temporanjament il-kontroll fil-fruntieri interni, għal dawk li huwa strettament meħtieġa sabiex tiġi indirizzata t-theddida identifikata.

RESPONSABBILTÀ KONDIVIŻA U L-KOOPERAZZJONI

Fid-dawl ta' dan l-objettiv li jiġi limitat l-impatt fuq il-moviment liberu, l-Istati Membri li biħsiebhom jintroduċu mill-ġdid kontrolli temporanji fil-fruntieri interni għandhom:

(a)

jikkonsultaw sew minn qabel lill-Istati Membri affettwati mill-introduzzjoni mill-ġdid ippjanata;

(b)

iżommu kooperazzjoni kontinwa u mill-qrib, li tippermetti li jkun hemm rieżami kostanti u adattament tal-kontrolli sabiex jirriflettu l-ħtiġijiet li qed jevolvu u l-impatt fuq il-post;

(c)

jkunu lesti biex jassistu lil xulxin bil-ħsieb li jkun hemm implimentazzjoni effettiva tal-kontrolli fuq il-fruntiera, fejn meħtieġa u ġustifikata.

L-UŻU TA' MIŻURI ALTERNATTIVI

Sabiex jiġi żgurat li l-introduzzjoni temporanja mill-ġdid ta' kontroll fil-fruntieri interni hija miżura tal-aħħar istanza, użata biss meta tiġi identifikata theddida serja għall-politika pubblika jew is-sigurtà interna li ma tistax tiġi indirizzata kif xieraq b'mezzi oħra, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw bis-sħiħ ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Mejju 2017 (C(2017) 3349 finali) dwar kontrolli tal-pulizija proporzjonati u l-kooperazzjoni tal-pulizija fiż-żona Schengen.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta' Ottubru 2017.

Għall-Kummissjoni

Dimitris AVRAMOPOULOS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Ir-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE (ĠU L 251, 16.9.2016, p. 1).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) (ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1).


7.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 259/28


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1805

tat-3 ta' Ottubru 2017

dwar il-professjonalizzazzjoni tal-akkwist pubbliku

Il-bini ta' struttura għall-professjonalizzazzjoni tal-akkwist pubbliku

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu

Billi:

(1)

L-akkwist pubbliku huwa strument biex jinkiseb tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Dan l-istrument jista' jkollu impatt (1) ekonomiku sinifikanti fuq il-kontribuzzjoni lejn l-aġenda tal-Kummissjoni għat-tkabbir, l-impjiegi u l-kummerċ transfruntier. Akkwist pubbliku effiċjenti, effettiv u kompetittiv huwa kemm punt ta' referenza għal suq uniku li jiffunzjona sew kif ukoll il-kanal ewlieni għall-investimenti Ewropej (2).

(2)

Id-Direttivi dwar l-akkwist pubbliku adottati fl-2014 (3) jipprovdu sett ta' għodod li jippermettu lill-Istati Membri jagħmlu użu aktar effiċjenti u strateġiku tal-akkwist pubbliku. L-akkwist pubbliku qed iħabbat wiċċu ma' sfidi ġodda minħabba li kulma jmur qed ikun mistenni li: juri l-aħjar valur għall-flus pubbliċi f'ambjenti b'baġits li kull ma jmur qed jiġu limitati; juża l-opportunitajiet tad-diġitalizzazzjoni u s-swieq li qed jevolvu; jagħmel kontribut strateġiku għall-objettivi politiċi orrizzontali u l-valuri tas-soċjetà bħal pereżempju l-innovazzjoni, l-inklużjoni soċjali u s-sostenibbiltà ekonomika u ambjentali; jimmassimizza l-aċċessibilità u juri responsabbiltà biex jitnaqqsu kemm jista' jkun l-ineffiċjenzi, l-iskart, l-irregolaritajiet, il-frodi u l-korruzzjoni, filwaqt li jissaħħu l-katini ta' provvista responsabbli.

(3)

Il-ħtieġa li tiġi żgurata l-applikazzjoni effiċjenti tar-regoli tal-akkwist pubbliku fil-livelli kollha hija meħtieġa biex tisfrutta bl-aħjar mod possibbli din il-lieva essenzjali għall-investiment fl-Ewropa, kif spjegat fil-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa (4), u biex jinkiseb suq uniku iktar b'saħħtu kif mitlub fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2017 tal-President Juncker. L-effiċjenza hija wkoll fost l-oqsma li jridu jitjiebu fl-akkwist pubbliku, kif senjalati mill-proċess tas-Semestru Ewropew.

(4)

Għalhekk jeħtieġ jiġi żgurat l-aktar użu effiċjenti tal-fondi pubbliċi, u x-xerrejja pubbliċi jeħtieġ ikunu f'pożizzjoni li jakkwistaw skont l-ogħla standards ta' professjonalità. It-tisħiħ u l-appoġġ għall-professjonaliżmu fost il-professjonisti fis-settur tal-akkwist pubbliku jistgħu jgħinu biex l-impatt tal-akkwist pubbliku jinħass fl-ekonomija kollha kemm hi (5).

(5)

B'mod ġenerali, l-għan tal-professjonalizzazzjoni tal-akkwist pubbliku huwa dak li jirrifletti titjib ġenerali fil-firxa kollha ta' ħiliet u kompetenzi professjonali, kif ukoll fl-għarfien u fl-esperjenza tal-persuni li jwettqu kompiti relatati mal-akkwist pubbliku jew jipparteċipaw fihom (6). Dan ikopri wkoll l-għodod u s-sostenn, kif ukoll l-istruttura tal-politika istituzzjonali, li huma lkoll meħtieġa biex isir ix-xogħol b'mod effettiv u b'mod li jagħti r-riżultati (7). Għaldaqstant, politika tal-professjonalizzazzjoni effettiva għandha tkun ibbażata fuq approċċ strateġiku globali msejjes fuq tliet objettivi li jikkumplimentaw lil xulxin:

I.

Żvilupp ta' struttura politika xierqa għall-professjonalizzazzjoni: sabiex ikun hemm impatt reali, politika ta' professjonalizzazzjoni għandha dejjem isserraħ fuq appoġġ politiku ta' livell għoli. Dan ifisser li jiġu definiti t-tqassim ċar tar-responsabbiltajiet u l-kompiti lill-istituzzjonijiet fuq il-livell ta' politika ċentrali, l-appoġġ tal-isforzi fil-livell lokali, reġjonali u settorjali, l-iżgurar tal-kontinwazzjoni fiċ-ċikli politiċi kollha, billi fejn ikun xieraq jintużaw l-istrutturi istituzzjonali li jippromwovu l-ispeċjalizzazzjoni, l-aggregazzjoni u l-kondiviżjoni tal-għarfien.

II.

Ir-riżorsi umani — titjib fit-taħriġ u fil-ġestjoni tal-karrieri tal-professjonisti tal-akkwist pubbliku: il-professjonisti fis-settur tal-akkwist pubbliku, jiġifieri dawk involuti fl-akkwist ta' oġġetti, servizzi u xogħlijiet, kif ukoll l-awdituri u l-uffiċjali responsabbli mill-analiżi ta' każijiet ta' akkwist pubbliku, għandu jkollhom il-kwalifiki, it-taħriġ, il-ħiliet u l-esperjenza meħtieġa skont il-livell tar-responsabbiltà tagħhom. Dan ifisser l-iżgurar li jkun hemm persunal b'esperjenza, ħiliet u motivazzjoni, li jiġi offrut it-taħriġ meħtieġ u l-iżvilupp professjonali kontinwu, filwaqt li tiġi wkoll żviluppata struttura ta' karrieri u inċentivi biex il-funzjoni tal-akkwist pubbliku tkun attraenti u biex l-uffiċjali pubbliċi jkunu motivati ħalli jinkisbu riżultati strateġiċi.

III.

Is-sistemi — il-forniment ta' għodod u metodoloġiji li jappoġġaw il-prattika professjonali tal-akkwist pubbliku: il-prattikanti tal-akkwist pubbliku għandhom jiġu mgħammra bl-għodod adatti u b'appoġġ biex jaġixxu b'mod effiċjenti u jiksbu l-aħjar valur għall-flus għal kull xirja. Dan ifisser li tkun garantita d-disponibbiltà ta' għodod u proċessi li jirriżultaw f'akkwist pubbliku intelliġenti, bħal: għodod għall-akkwist elettroniku, linji gwida, manwali, mudelli u għodod ta' kooperazzjoni, taħriġ, appoġġ u għarfien, il-ġbir tal-għarfien u l-iskambju ta' prattika tajba.

(6)

Din ir-Rakkomandazzjoni (8) tħeġġeġ l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' politiki ta' professjonalizzazzjoni fl-Istati Membri, billi toffri qafas ta' referenza biex jiġi kkunsidrat (9). Wieħed jixtieq li din l-inizjattiva twassal biex tgħin lill-Istati Membri jibnu l-politika tal-professjonalizzazzjoni sabiex jgħollu l-profil, l-influwenza, l-impatt u r-reputazzjoni tal-akkwist fit-twassil tal-għanijiet pubbliċi.

(7)

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri u lill-amministrazzjoni pubblika tagħhom, primarjament fil-livell nazzjonali. Madankollu, taħt is-sistema ta' akkwist ċentralizzat jew deċentralizzat tagħhom, l-Istati Membri għandhom ukoll iħeġġu u jappoġġaw l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti fl-implimentazzjoni tal-inizjattivi ta' professjonalizzazzjoni. Għalhekk, l-Istati Membri għandhomjinfurmaw b'din ir-Rakkomandazzjoni lill-korpi responsabbli mill-akkwist pubbliku fil-livelli kollha kif ukoll tal-korpi inkarigati mit-taħriġ tal-awdituri u l-uffiċjali responsabbli mill-analiżi ta' każijiet ta' akkwist pubbliku.

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

I.   ID-DEFINIZZJONI TAL-POLITIKA GĦALL-PROFESSJONALIZZAZZJONI TAL-AKKWIST PUBBLIKU

1.

L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw u jimplimentaw strateġiji fit-tul għall-professjonalizzazzjoni tal-akkwist pubbliku, li jkunu adattati għall-bżonnijiet, ir-riżorsi u l-istruttura amministrattiva tagħhom, b'mod awtonomu jew bħala parti minn pjan usa' tal-politiki lejn il-professjonalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika. L-għan huwa biex jiġu attirati, jiġu żviluppati u jinżammu l-ħiliet, ikun hemm iffukar fuq il-prestazzjoni u l-eżiti strateġiċi u jsir l-aħjar użu tal-għodod u t-tekniki disponibbli. Dawn l-istrateġiji għandhom:

(a)

jindirizzaw il-parteċipanti rilevanti kollha fil-proċess tal-akkwist u jiġu żviluppati permezz ta' proċess inklużiv fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali;

(b)

jiġu applikati b'koordinazzjoni ma' politiki oħra tas-settur pubbliku kollu kemm hu; kif ukoll

(c)

iqisu l-iżviluppi fi Stati Membri oħra u fil-livell internazzjonali.

2.

L-Istati Membri għandhom ukoll jinkoraġġixxu u jappoġġaw l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali ta' professjonalizzazzjoni, fl-iżvilupp ta' inizjattivi dwar il-professjonalizzazzjoni u ta' struttura istituzzjonali xierqa u fil-kooperazzjoni għal approċċ aktar koordinat, effiċjenti u strateġiku tal-akkwist imsejjes fuq, fost affarijiet oħra:

(a)

kooperazzjoni akbar bejn is-servizzi rilevanti u bejn l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti; kif ukoll

(b)

l-għarfien espert u l-appoġġ tal-istituzzjonijiet tat-taħriġ, il-korpi tax-xiri b'mod ċentrali u tal-organizzazzjonijiet professjonali orjentati lejn l-akkwist.

II.   IR-RIŻORSI UMANI — TITJIB TAT-TAĦRIĠ U L-ĠESTJONI TAL-KARRIERI

3.

L-Istati Membri għandhom jidentifikaw u jiddefinixxu l-linja bażika ta' ħiliet u kompetenzi li prattikant tal-akkwist pubbliku għandu kollu u li jkun tħarreġ fihom, u dan filwaqt li jittieħed kont tan-natura multidixxiplinari tal-proġetti ta' akkwist, kemm fil-każ tal-uffiċjali dedikati fuq l-akkwist kif ukoll dawk b'funzjonijiet relatati u anki fil-każ tal-imħallfin u l-awdituri, bħal:

(a)

oqfsa għal ħiliet u kompetenzi li jappoġġaw il-proċessi tar-reklutaġġ u l-ġestjoni tal-karrieri u t-tfassil ta' programmi ta' taħriġ; kif ukoll

(b)

qafas ta' kompetenza komuni għall-akkwist pubbliku fil-livell Ewropew.

4.

L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw programmi ta' taħriġ — inizjali u tul il-ħajja — abbażi ta' dejta u valutazzjoni tal-ħtiġijiet, kif ukoll abbażi tal-oqfsa ta' kompetenza fejn disponibbli, bħal:

(a)

l-iżvilupp u/jew l-appoġġ tal-iżvilupp ta' offerta ta' taħriġ inizjali, fil-livell ta' lawrja u postlawrja u taħriġ professjonali ieħor fil-livell ta' dħul;

(b)

il-provvediment u/jew l-appoġġ ta' offerta ta' taħriġ u tagħlim tul il-ħajja komprensiv, immirat u aċċessibbli.;

(c)

l-immultiplikar tat-taħriġ offrut permezz ta' soluzzjonijiet innovattivi u interattivi jew għodod tat-tagħlim elettroniku, kif ukoll skemi ta' replikazzjoni; kif ukoll

(d)

l-ibbenifikar mill-kooperazzjoni akkademika u r-riċerka li jsawru appoġġ teoretiku sod għas-soluzzjonijiet tal-akkwist.

5.

L-Istati Membri għandhom ukoll jiżviluppaw u jappoġġaw l-adozzjoni mill-awtoritajiet/entitajiet kontraenti ta' ġestjoni tajba tar-riżorsi umani, ippjanar tal-karrieri u skemi ta' motivazzjoni speċifiċi għall-funzjonijiet tal-akkwist bil-mira li jattiraw u jżommu persunal ikkwalifikat fl-akkwist u jinkoraġġixxu lill-professjonisti prattikanti jipproduċu kwalità aħjar u approċċ aktar strateġiku fl-akkwist pubbliku, bħal:

(a)

ir-rikonoxximent u/jew skemi ta' ċertifikazzjoni li jidentifikaw u jippremjaw il-funzjonijiet marbuta mal-akkwist;

(b)

strutturi ta' karriera, inċentivi istituzzjonali u l-appoġġ politiku biex jitwasslu riżultati strateġiċi; kif ukoll

(c)

premjijiet ta' eċċellenza li jħeġġu prattika tajba f'oqsma bħalma huma l-innovazzjoni, l-akkwist pubbliku soċjalment responsabbli u ekoloġiku jew il-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

III.   IS-SISTEMI — IL-FORNIMENT TAL-GĦODOD U L-METODOLOĠIJI

6.

L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu u jappoġġjaw l-iżvilupp u l-użu ta' għodod tal-IT aċċessibbli li jistgħu jissimplifikaw u jtejbu l-funzjonament tas-sistemi tal-akkwist, bħal:

(a)

aċċess akbar għall-informazzjoni billi joħolqu portali uniċi online;

(b)

l-iżvilupp ta' għodod tal-IT bit-taħriġ korrispondenti (eż. għall-ekonomiji ta' skala, l-effiċjenza enerġetika jew ix-xogħol f'tim), jew l-appoġġ ta' soluzzjonijiet xprunati mis-suq korrispondenti; kif ukoll

(c)

il-promozzjoni ta' approċċ strateġiku viżavì d-diġitalizzazzjoni permezz tal-istandardizzazzjoni, l-iskambju, l-użu mill-ġdid u l-interoperabbiltà tal-prodotti u s-servizzi, b'mod partikolari permezz tal-użu ta' soluzzjonijiet eżistenti tal-IT disponibbli fil-livell tal-UE (10), kif ukoll l-iżviluppar ta' strumenti bħal katalgu online tal-istandards tal-ICT dwar l-akkwisti (11).

7.

L-Istati Membri għandhom jappoġġjaw u jippromwovu l-integrità, fil-livell individwali kif ukoll fil-livell istituzzjonali, bħala parti intrinsika ta' kondotta professjonali, billi jipprovdu l-għodod biex jiżguraw konformità u trasparenza u gwida dwar il-prevenzjoni ta' irregolaritajiet, bħal:

(a)

il-ħolqien ta' kodiċijiet ta' etika kif ukoll charters dwar l-integrità;

(b)

l-użu ta' dejta dwar l-irregolaritajiet (12) bħala feedback biex jiżviluppaw taħriġ u gwida korrispondenti, filwaqt li jippromwovu l-awtoregolazzjoni; kif ukoll

(c)

l-iżvilupp ta' gwida speċifika li tipprevjeni u tikxef il-frodi u l-korruzzjoni, inkluż permezz ta' kanali ta' whistleblowing protetti.

8.

L-Istati Membri għandhom jiggwidaw minn naħa biex tingħata ċertezza ġuridika dwar il-liġi nazzjonali u tal-UE jew ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-obbligi internazzjonali tal-UE u, min-naħa l-oħra, biex jiffaċilitaw u jippromwovu r-riflessjoni strateġika, il-verdetti kummerċjali u t-teħid ta' deċiżjonijiet intelliġenti/infurmat, bħal:

(a)

materjal ta' gwida mmirat, manwali dwar il-metodoloġija u repożitorji ta' prattiki tajba u tal-aktar żbalji komuni, li jkunu aġġornati, faċli għall-utent, faċilment aċċessibbli u bbażati fuq l-esperjenza tal-prattikanti; kif ukoll

(b)

mudelli standardizzati u għodod għal diversi proċeduri bħal kriterji tal-akkwist pubbliku ekoloġiku.

9.

L-Istati Membri għandhom jippromwovu l-iskambju ta' prattiki tajba u jipprovdu appoġġ lill-prattikanti biex jiżguraw proċeduri ta' akkwist professjonali, ħidma kooperattiva u t-trażmissjoni tal-għarfien espert bħal:

(a)

l-għoti ta' assistenza teknika permezz ta' servizzi ta' helpdesks reattivi, diretti (hotlines) u/jew bil-posta elettronika;

(b)

l-organizzazzjoni ta' seminars u workshops li jikkondividu l-iżviluppi ġuridiċi ġodda, il-prijoritajiet tal-politika u l-prattika tajba; kif ukoll

(c)

it-tħeġġiġ tal-komunitajiet tal-prattikanti permezz ta' fora online u netwerks soċjali professjonali.

IV.   IS-SEGWITU GĦAL DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI — IR-RAPPURTAR U L-MONITORAĠĠ

10.

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-azzjoni meħuda b'rispons għal din ir-Rakkomandazzjoni meta jkunu qed jirrapportaw skont l-Artikolu 83 tad-Direttiva 2014/24/UE, l-Artikolu 45 tad-Direttiva 2014/23/UE u l-Artikolu 99 tad-Direttiva 2014/25/UE.

Magħmul fi Strasburgu, it-3 ta' Ottubru 2017.

Għall-Kummissjoni

Elżbieta BIEŃKOWSKA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozji (COM(2015) 550).

(2)  Kważi nofs il-finanzjament ta' koeżjoni jgħaddi permezz tal-akkwist pubbliku. Matul il-perjodu 2014-2020, l-UE se tinvesti EUR 325 biljun — kważi terz tal-baġit totali tal-UE — fir-reġjuni tal-Ewropa permezz tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, li għandhom l-għan li jippromwovu t-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi, il-kompetittività u t-tnaqqis tad-disparitajiet fl-iżvilupp.

(3)  Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65) (id-“Direttiva Klassika”), id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-għoti ta' kuntratti ta' konċessjoni (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1) (id-“Direttiva dwar il-Konċessjonijiet”), id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243) (id-“Direttiva dwar l-Utilitajiet”), u b'mod partikolari l-Artikoli 83(4), 45(4) u 99(4) rispettivament tagħhom.

(4)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment: Pjan ta' Investiment għall-Ewropa (COM(2014) 903).

(5)  Id-dokument ta' Ħidma tal-Persunal (SWD/2015/202) li jakkumpanja l-istrateġija għas-suq waħdieni stima li l-gwadanji ekonomiċi potenzjali mis-soluzzjoni tal-problemi dovuti għall-professjonalizzazzjoni jammonataw għal aktar minn EUR 80 biljun.

(6)  Dan ikopri l-ambitu sħiħ ta' ħidmet l-uffiċjali tal-akkwist li huma involuti f'kull stadju tal-proċess tal-akkwist mill-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet sal-ġestjoni tal-kuntratti — fl-amministrazzjonijiet jew istituzzjonijiet ċentrali jew diċentralizzati, fi rwoli definiti b'mod speċifiku bħala relatati mal-akkwist jew sempliċiment responsabbli minn ċerti kompiti relatati mal-akkwist pubbliku.

(7)  Il-ħtieġa li tkun żviluppata forza tax-xogħol tal-akkwist b'kapaċità li kontinwament twassal il-valur għall-flus hija enfasizzata wkoll fir-Rakkomandazzjoni tal-OECD tal-2015 dwar l-Akkwist Pubbliku. http://www.oecd.org/gov/ethics/OECD-Recommendation-on-Public-Procurement.pdf

(8)  Il-Kummissjoni m'għandhiex il-ħsieb li tippreskrivi xi mudell speċifiku, iżda tistieden lill-Istati Membri u l-amministrazzjonijiet rilevanti jittrattaw il-kwistjonijiet rilevanti. Huwa ċar li kulħadd jinsab fi stadji differenti tal-vjaġġ tiegħu. Madankollu, id-direttivi l-ġodda jirrikjedu li l-Istati Membri jiżguraw li (a) l-informazzjoni u l-gwida dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-liġi tal-UE dwar l-akkwist pubbliku tkun disponibbli mingħajr ħlas sabiex tassisti lill-awtoritajiet kontraenti u l-operaturi ekonomiċi, b'mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju; u (b) ikun disponibbli appoġġ għall-awtoritajiet kontraenti fl-ippjanar u fit-twettiq tal-proċeduri ta' akkwist.

(9)  Ir-Rakkomandazzjoni se tkun akkumpanjata min ġabra ta' prassi tajba mill-Istati Membri.

(10)  Fost oħrajn: il-Portal Diġitali Uniku u l-Blokok tal-Bini Infrastrutturali tas-Servizzi Diġitali ta' Nikkollegaw l-Ewropa (l-identità elettronika, il-firma elettronika, il-konsenja elettronika, il-fatturat elettroniku).

(11)  https://joinup.ec.europa.eu/community/european_catalogue/

(12)  Filwaqt li tiġi rispettata l-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta u d-dritt fundamentali għall-protezzjoni ta' dejta personali.