ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 257

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 60
5 ta' Ottubru 2017


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1791 tal-4 ta' Ottubru 2017 li tiddetermina li s-sospensjoni temporanja tad-dazju doganali preferenzjali skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 20/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ma hix adegwata għall-importazzjonijiet tal-banana li toriġina mill-Gwatemala

1

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

DEĊIŻJONIJIET

5.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 257/1


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1791

tal-4 ta' Ottubru 2017

li tiddetermina li s-sospensjoni temporanja tad-dazju doganali preferenzjali skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 20/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ma hix adegwata għall-importazzjonijiet tal-banana li toriġina mill-Gwatemala

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 20/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2013 li jimplimenta l-klawsola ta' salvagwardja bilaterali u l-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Amerika Ċentrali min-naħa l-oħra (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ġie introdott mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana permezz tal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Amerika Ċentrali, min-naħa l-oħra (2) (“il-Ftehim”), li provviżorjament beda japplika għall-pajjiżi tal-Amerika Ċentrali matul l-2013, u għall-Gwatemala speċifikament fl-1 ta' Diċembru 2013.

(2)

Skont dan il-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni, kif implimentat mir-Regolament (UE) Nru 20/2013, ġaladarba jinqabeż volum ta' skattar definit għall-importazzjonijiet tal-banana friska (intestatura 0803 00 19 tan-Nomenklatura Magħquda tal-Unjoni Ewropea tal-1 ta' Jannar 2012) minn wieħed mill-pajjiżi kkonċernati, il-Kummissjoni, permezz ta' att ta' implimentazzjoni li għandu jiġi adottat permezz tal-proċedura ta' urġenza stabbilita fl-Artikolu 14(4) tar-Regolament (UE) Nru 20/2013, tista' tissospendi temporanjament id-dazju doganali preferenzjali applikat fuq l-importazzjonijiet tal-banana friska għal dak il-pajjiż jew tiddetermina li tali sospensjoni mhix xierqa.

(3)

L-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' banana friska, li toriġina mill-Gwatemala, qabżu l-limitu ta' 67 500 tunnellata kif definit mill-Ftehim fit-23 ta' Awwissu 2017.

(4)

F'dan il-kuntest, skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament (UE) Nru 20/2013, il-Kummissjoni qieset l-impatt tal-importazzjonijiet ikkonċernati fuq il-qagħda tas-suq tal-banana tal-Unjoni sabiex tiddeċiedi jekk id-dazju doganali preferenzjali jenħtieġx li jiġi sospiż. Il-Kummissjoni eżaminat l-effett tal-importazzjonijiet ikkonċernati fuq il-livell tal-prezzijiet fl-Unjoni, l-iżvilupp tal-importazzjonijiet minn sorsi oħra u l-istabbiltà ġenerali tas-suq tal-banana friska tal-Unjoni.

(5)

L-importazzjonijiet tal-banana friska mill-Gwatemala rrappreżentaw biss 2 % tal-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' banana friska li kienet suġġetta għall-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni tal-banana meta l-importazzjonijiet qabżu l-livell limitu tagħhom għall-2017. Barra minn hekk, il-Gwatemala tirrappreżenta biss 1,8 % tal-importazzjonijiet totali tal-banana friska fl-Unjoni.

(6)

L-importazzjonijiet minn pajjiżi esportaturi kbar li magħhom l-Unjoni għandha wkoll Ftehim ta' Kummerċ Ħieles, speċjalment il-Kolombja, l-Ekwador u l-Costa Rica ammontaw rispettivament għal 47,4 %, 51,1 % u 50,4 % tal-limiti rispettivi tagħhom. Il-kwantitajiet “mhux użati” fl-ambitu tal-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni (madwar 3 miljun tunnellata) huma ogħla sew mill-importazzjonijiet totali mill-Gwatemala sa issa (68 400 tunnellata).

(7)

Il-prezz tal-importazzjonijiet mill-Gwatemala kien bħala medja EUR 573/tunnellata għall-ewwel sitt (6) xhur tal-2017, li huwa 15 % irħas mill-prezzijiet medji ta' importazzjonijiet oħra ta' banana friska fl-Unjoni. Il-volum tal-importazzjoni madankollu baqa' f'livell baxx ħafna kif imsemmi fil-premessa 5.

(8)

Il-prezz medju tal-banana bl-ingrossa fis-suq tal-Unjoni normalment isegwi xejra 'l isfel sal-aħħar ta' Lulju, u wara jibda jiżdied. B'riżultat ta' dan, il-prezz medju tal-banana bl-ingrossa (ta' kull oriġini) f'Lulju 2017 (EUR 918/tunnellata) kien tabilħaqq 8 % inqas mill-prezz medju tal-ewwel semestru. Madankollu, abbażi ta' medja ta' tliet ġimgħat, il-livell medju tal-prezz bl-ingrossa tal-banana safra prodotta fl-UE f'Lulju 2017 (EUR 910/tunnellata) baqa' konformi mal-livell (tal-prezzijiet osservati) tas-snin preċedenti (rispettivament EUR 910/tunnellata, EUR 880/tunnellata u EUR 900/tunnellata).

(9)

Għaldaqstant, f'dan l-istadju, la hemm indikazzjoni li l-istabbiltà tas-suq tal-Unjoni kienet affettwata mill-importazzjonijiet ta' banana friska mill-Gwatemala li jaqbżu l-volum ta' importazzjoni ta' skattar annwali definit, u lanqas li dan kellu xi impatt sinifikanti fuq is-sitwazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni.

(10)

Ma hemm l-ebda indikazzjoni li hemm it-theddida ta' deterjorament serju jew ta' deterjorament serju fis-sitwazzjoni ekonomika fir-reġjuni periferiċi tal-Unjoni f'Awwissu 2017.

(11)

Għaldaqstant, is-sospensjoni tad-dazju doganali preferenzjali fuq l-importazzjonijiet tal-banana li toriġina mill-Gwatemala ma tidhirx li hija xierqa f'dan l-istadju.

(12)

Peress li l-volum ta' skattar annwali diġà nqabeż f'Awwissu, u għalkemm l-importazzjonijiet totali mill-Gwatemala fis-suq tal-Unjoni huma baxxi, il-Kummissjoni se tkompli bil-monitoraġġ tagħha f'dan ir-rigward u se teżamina mill-ġdid is-sitwazzjoni tas-suq tal-banana b'mod regolari, u dan jista' jirriżulta fl-adozzjoni ta' miżuri jekk dan ikun xieraq,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-sospensjoni temporanja tad-dazji doganali preferenzjali fuq l-importazzjonijiet tal-banana friska kklassifikata taħt l-intestatura 0803 00 19 tan-Nomenklatura Magħquda tal-Unjoni Ewropea u li toriġina mill-Gwatemala mhijiex xierqa.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Ottubru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 17, 19.1.2013, p. 13.

(2)  ĠU L 346, 15.12.2012, p. 1.