ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 183

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 60
14 ta' Lulju 2017


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1266 tal-11 ta' Lulju 2017 li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2494/96 dwar il-klassifika ta' ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

1

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1267 tal-11 ta' Lulju 2017 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

3

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1268 tal-11 ta' Lulju 2017 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

6

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1269 tat-13 ta' Lulju 2017 li jemenda r-Regolament (UE) 2015/949 f'dak li għandu x'jaqsam mal-irtirar ta' karawett mill-Istati Uniti tal-Amerka mil-lista ta' kontrolli ta' qabel l-esportazzjoni approvati fir-rigward tal-aflatossini ( 1 )

9

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

14.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 183/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1266

tal-11 ta' Lulju 2017

li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2494/96 dwar il-klassifika ta' ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda (“NM”) annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), huwa meħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2494/96 (3) ikklassifika “folja ta' terephthalate ta' politin, ta' ħxuna ta' mhux iktar minn 10 mikrometri, miksija b'linka termali u ppreżentata f'rollijiet ta' wisa' ta' 62 ċm” taħt l-intestatura 3215 tan-Nomenklatura Magħquda bħala “Linka tal-istampar, linka għall-kitba jew għat-tpinġija u linek oħrajn, kemm jekk konċentrati jew solidi jew le”. Il-klassifikazzjoni tal-prodott taħt l-intestatura 3215 hija bbażata fuq ir-Regola Ġenerali 3(b) għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, iżda r-raġunament ma jidħolx fid-dettall fir-rigward tal-intestaturi possibbi li jridu jitqiesu meta tiġi applikata r-Regola Ġenerali 3(b). B'mod partikolari, ma jingħatawx ir-raġunijiet għall-esklużjoni tal-intestatura 9612 li, minbarra l-inkpads, tkopri “żigarelli tat-tajprajter jew bħalhom, bil-linka jew imħejjijin mod ieħor biex jistampaw, kemm fuq irkiekel jew f'kartriġis kif ukoll jekk le”.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 2494/96 jikkonċerna l-hekk imsejħa “rombli jumbo” li mhumiex prodotti lesti għall-użu iżda li, fil-fatt, huma rombli ta' tul konsiderevoli li ma jistgħux jitqiegħdu f'tajprajter jew f'magna simili mingħajr stadju ieħor ta' manifattura. Din l-informazzjoni hija nieqsa fid-deskrizzjoni tal-prodott fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 2494/96 u fin-nuqqas ta' dik l-informazzjoni tista' twassal għal klassifikazzjoni tariffarja żbaljata taż-żigarelli tal-linka lesti għall-użu. Iż-żigarelli tal-linka li huma lesti għall-użu se jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 9612.

(4)

Billi l-prodott ikkonċernat mir-Regolament (KE) Nru 2494/96 ma għadux disponibbli fis-suq, dak ir-Regolament ma għadux meqjus meħtieġ. Il-biċċa l-kbira taż-żigarelli tal-linka li hemm disponibbli bħalissa fis-suq, anki dawk li għandhom wisa' u tul konsiderevoli, jistgħu jintużaw direttament meta jitqiegħdu fit-tajprajters jew f'magna simili mingħajr stadju ta' proċess ieħor ta' manifattura. Barra minn hekk, se tinħoloq nota ta' spjegazzjoni għas-subintestaturi tan-NM 9612 10 10 sa 9612 10 80 (“żigarelli”) biex tipprovdi gwida dwar il-klassifikazzjoni tariffarja taż-żigarelli tal-linka.

(5)

B'konsegwenza ta' dan, jinħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 2494/96 jitħassar sabiex jiġu evitati d-diverġenzi potenzjali fil-klassifikazzjoni tariffarja taż-żigarelli tal-linka u biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda fl-Unjoni.

(6)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 2494/96 jitħassar.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Lulju 2017.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Stephen QUEST

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2494/96 tat-23 ta' Diċembru 1996 dwar il-klassifika ta' ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU L 338, 28.12.1996, p. 38).


14.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 183/3


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1267

tal-11 ta' Lulju 2017

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jenħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata fuqha, parzjalment jew kollha kemm hi, jew li żżid xi sottodiviżjoni magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan tal-applikazzjoni ta' tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella.

(4)

Huwa xieraq li jiġi stipulat li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament, tkun tista' tibqa' tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu għandu jkun ta' tliet xhur.

(5)

I-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li ma tkunx konformi ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta' tliet xhur minn meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Lulju 2017.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Stephen QUEST

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni (Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Prodott f'forma ta' trab fin abjad u mingħajr riħa, li jikkonsisti minn mikrosferi (daqs tal-partikoli < 10 μm) b'densità ta' madwar 2,1–2,5 g/cm3.

Il-mikrosferi jikkonsistu minn nefelina jew sijenit tan-nefelina li jkunu ġew imsaħħna biex il-materjal jieħu forma aktar ta' elissi u biex jiġu ttundjati t-truf raffi. Bħala riżultat ta' dan il-proċess, in-nefelina jew is-sijenit tan-nefelina jifformaw wiċċ qisu ħġieġ. In-nefelina u s-sijenit tan-nefelina huma aluminosilikati tas-sodju u tal-potassju.

Il-prodott jintuża bħala addittiv għaż-żebgħa, għall-kisi u għall-kisjiet irqaq biex inaqqas il-livelli ta' komposti organiċi volatili, iżid id-densitajiet tal-mili, itejjeb l-ebusija, u jżid ir-reżistenza għall-imbornar, għall-għerik u għall-brix.

2842 10 00

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u mill-kliem tal-kodiċijiet NM 2842 u 2842 10 00 .

Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 2529 hija eskluża billi l-wiċċ qisu ħġieġ tan-nefelina jew tas-sijenit tan-nefelina jfisser li l-istruttura kristallina tiegħu ġiet immodifikata bil-proċess tat-tisħin (ara n-Nota 1 tal-Kapitolu 25 u wkoll in-Noti ta' Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata (HSEN) għall-Kapitolu 25, Ġenerali, it-tieni paragrafu).

Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 2621 hija eskluża billi l-prodott la huwa gagazza, la rmied u lanqas fdal mill-ħruq ta' skart muniċipali.

Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 3816 hija eskluża billi m'hemmx materjal li jgħaqqad miżjud (ara wkoll l-HSEN għall-intestatura 3816 , l-ewwel paragrafu).

Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 3824 hija eskluża billi l-intestatura li tagħti l-aktar deskrizzjoni speċifika għandha tieħu preċedenza fuq intestaturi li jagħtu deskrizzjoni aktar ġenerali.

Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 6806 hija eskluża billi l-prodott mhuwiex materjal minerali espandut.

Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 6815 hija eskluża billi l-prodott mhuwiex “oġġett ta' sustanzi minerali” komplut jew nofsu komplut imma huwa pjuttost materjal anċillari użat fil-manifattura ta' oġġetti.

Għaldaqstant il-prodott għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 2842 10 00 bħala silikati doppji jew kumplessi, inklużi aluminosilikati definiti kimikament jew le.


14.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 183/6


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1268

tal-11 ta' Lulju 2017

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata fuqha b'mod parzjali jew bis-sħiħ, jew li żżid kwalunkwe sottodiviżjoni magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jiġu applikati t-tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella.

(4)

Huwa xieraq li jiġi stipulat li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament, tkun tista' tibqa' tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu għandu jkun ta' tliet xhur.

(5)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni tariffarja vinkolanti li ma tkunx konformi ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta' tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Lulju 2017.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Stephen QUEST

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana. (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni (Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Prodott fl-għamla ta' żibeġ tax-xemgħa bojod fini b'dijametru ta' madwar 1 mm, miksub miż-żejt tal-palm raffinat.

Il-prodott jikkonsisti minn:

stearina tal-palm idroġenata iebsa;

stearina tal-palm mhux idroġenata iebsa;

aġent ottiku li jdawwal (madwar 0,01 % f'piż).

L-istearina tal-palm miksuba miż-żejt tal-palm hija soġġetta għall-frazzjonament f'diversi stadji u l-istearina iebsa (frazzjoni solida) hija separata mill-istearina ratba. Imbagħad, parti mill-istearina iebsa hija soġġetta għal proċess ta' idroġenazzjoni, u titħallat mal-parti mhux idroġenata tal-istearina iebsa u ma' aġent ottiku li jdawwal. Sussegwentement, il-prodott miksub għandu jiġi soġġett għal proċess ta' bdil f'żibeġ.

Il-prodott jixbah lix-xemgħa u jintuża bħala materja prima għall-manifattura tax-xemgħat.

Il-punt meta jinħall huwa 59,2 °C ± 0,5 °C u l-viskożità mkejla b'viskometru li jdur ma taqbiżx l-10 Pa.s f'temperatura ta' 10 °C 'il fuq mill-punt meta jinħall.

Il-prodott huwa ppakkjat f'boroż ta' 25 kg.

3404 90 00

Il-klassifikazzjoni hija stabbilita bir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, Nota 5, it-tieni paragrafu, l-ittra (a) il-Kapitolu 34 u l-kliem tal-kodiċi tan-NM 3404 u 3404 90 00 .

Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 1516 hija eskluża peress li l-prodott huwa taħlita ta' stearina iebsa idrogenata u stearina iebsa mhux idroġenata. Il-prodott ġie ppreparat lil hinn mill-kamp ta' applikazzjoni tal-intestatura 1516 u la huwa żejt u lanqas xaħam. Barra minn hekk, il-preżenza ta' aġent ottiku li jdawwal teskludi l-prodott mill-intestatura 1516 .

Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 1517 hija eskluża peress li l-prodott mhux taħlita jew preparazzjoni li tista' tittiekel koperta mill-kamp ta' applikazzjoni tal-intestatura 1517 .

Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 1521 hija eskluża peress li l-prodott huwa prinċipalment magħmul minn stearina tal-palm li hija trigliċerid.

F'konformità man-Nota 5, l-ewwel paragrafu, l-ittra (a), tal-Kapitolu 34, prodotti organiċi maħdumin kimikament b'karatteristika ta' xemgħa, idubux jew le fl-ilma, jaqgħu taħt l-intestatura 3404 . Il-prodott jissodisfa l-kriterju ta' xemgħa artifiċjali (ara wkoll in-Noti ta' Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata għall-intestatura 3404 , l-ittra A).

Għaldaqstant il-prodott għandu jiġi kklassifikat fil-Kodiċi tan-NM 3404 90 00 bħala xemgħat artifiċjali u xemgħat preparati oħra.


14.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 183/9


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1269

tat-13 ta' Lulju 2017

li jemenda r-Regolament (UE) 2015/949 f'dak li għandu x'jaqsam mal-irtirar ta' karawett mill-Istati Uniti tal-Amerka mil-lista ta' kontrolli ta' qabel l-esportazzjoni approvati fir-rigward tal-aflatossini

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 23 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/949 (2) japprova l-kontrolli ta' qabel l-esportazzjoni mwettqa fuq ċertu ikel minn ċerti pajjiżi terzi għall-preżenza ta' ċerti mikotossini

(2)

L-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 jistipula li jistgħu jiġu approvati kontrolli speċifiċi ta' qabel l-esportazzjoni, imwettqa minn pajjiż terz fuq l-ikel u l-għalf immedjatament qabel l-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea, sabiex jiġi vverifikat li l-prodotti esportati jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Unjoni. Din l-approvazzjoni tista' tingħata biss lil pajjiż terz jekk verifika tal-Unjoni Ewropea tkun uriet li l-ikel jew l-għalf esportat lejn l-Unjoni Ewropea jkun jissodisfa r-rekwiżiti tal-Unjoni jew rekwiżiti ekwivalenti u li l-kontrolli mwettqa fil-pajjiż terz qabel il-bgħit jitqiesu effettivi u effiċjenti biżżejjed biex jissostitwixxu jew inaqqsu l-kontrolli tad-dokumenti, tal-identità u dawk fiżiċi stipulati fil-liġi tal-UE. Tali approvazzjoni tal-kontrolli ta' qabel l-esportazzjoni mwettqa mill-Istati Uniti tal-Amerka (l-Istati Uniti) fuq l-aflatossini fil-karawett ingħatat mill-UE fl-2008.

(3)

Sa minn nofs l-2016 ġiet osservata żieda fin-nuqqas ta' konformità fir-rigward tal-preżenza tal-aflatossini fil-karawett mill-Istati Uniti. L-awtoritajiet tal-Istati Uniti ġew infurmati b'dan u saru impenji biex jirrimedjaw is-sitwazzjoni. Madankollu wieħed jista' josserva li s-sitwazzjoni ma tjibitx.

(4)

Għalhekk jista' jiġi konkluż li l-kundizzjonijiet li jwasslu għall-approvazzjoni tal-kontrolli ta' qabel l-esportazzjoni ma għadhomx qed jiġu sodisfatti u għalhekk jixraq li l-karawett li jiġi mill-Istati Uniti jitneħħa mil-lista tal-kontrolli ta' qabel l-esportazzjoni approvati. Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/949 jeħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/949 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Lulju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/949 tad-19 ta' Ġunju 2015 li japprova l-kontrolli ta' qabel l-esportazzjoni mwettqa fuq ċertu ikel minn ċerti pajjiżi terzi għall-preżenza ta' ċerti mikotossini (ĠU L 156, 20.6.2015, p. 2).


ANNESS

Fl-Anness I tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/949 titħassar l-entrata li ġejja:

Oġġett tal-ikel

Kodiċi NM

TARIC Subdiviżjoni

Pajjiż ta' oriġini

Mikotossina

Il-frekwenza tal-kontrolli fiżiċi (%) waqt l-importazzjoni

“—

Karawett fil-qoxra

1202 41 00

 

L-Istati Uniti tal-Amerka

Aflatossini

< 1”

Karawett, imqaxxar

1202 42 00

Karawett, ippreparat jew ippreservat mod ieħor

2008 11 91 ; 2008 11 96 ; 2008 11 98