ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 72

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 60
17 ta' Marzu 2017


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/459 tas-16 ta' Marzu 2017 li jistabbilixxi Kodiċi tan-Netwerk dwar il-Mekkaniżmi ta' Allokazzjoni tal-Kapaċità fis-Sistemi ta' Trażmissjoni tal-Gass u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 984/2013 ( 1 )

1

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/460 tas-16 ta' Marzu 2017 li jistabbilixxi kodiċi tan-netwerk dwar strutturi tariffarji armonizzati għat-trażmissjoni tal-gass ( 1 )

29

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/461 tas-16 ta' Marzu 2017 li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-proċeduri, il-forom u l-mudelli komuni għall-proċess ta' konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti rilevanti għall-akkwisti proposti ta' parteċipazzjoni kwalifikanti f'istituzzjonijiet ta' kreditu kif imsemmija fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 )

57

 

 

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/462 tas-16 ta' Marzu 2017 li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

66

 

 

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/463 tas-16 ta' Marzu 2017 li jiddetermina l-kwantitajiet li għandhom jiżdiedu mal-kwantità stabbilita għas-subperjodu mill-1 ta' Lulju sat-30 ta' Settembru 2017 fil-qafas tal-kwoti tariffarji miftuħa bir-Regolament (KE) Nru 1384/2007 għal-laħam tat-tjur li joriġina fl-Iżrael

68

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (PESK) 2017/464 tas-7 ta' Marzu 2017 dwar il-ħatra tal-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE għall-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Bożnija-Ħerzegovina u li tħassar id-Deċiżjoni BiH/21/2014 (BiH/24/2017)

70

 

 

ATTI ADOTTATI MINN KORPI STABBILITI PERMEZZ TA' FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

 

*

Id-Deċiżjoni Nru 45/2016 tal-Kumitat Konġunt stabbilit skont il-Ftehim ta' Għarfien Reċiproku bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka tal-1 ta' Marzu 2017 relatata mal-elenkar ta' Korpi għall-Valutazzjoni tal-Konformità fl-Anness Settorjali għall-Kompatibbiltà Elettromanjetika [2017/465]

72

 

*

Id-Deċiżjoni Nru 46/2016 tal-Kumitat Konġunt stabbilit skont il-Ftehim ta' Għarfien Reċiproku bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka tal-1 ta' Marzu 2017 relatata mal-elenkar ta' Korpi għall-Valutazzjoni tal-Konformità fl-Anness Settorjali dwar it-Tagħmir tat-Telekomunikazzjoni [2017/466]

74

 

*

Id-Deċiżjoni Nru 47/2016 tal-Kumitat Konġunt stabbilit skont il-Ftehim ta' Għarfien Reċiproku bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka tal-1 ta' Marzu 2017 relatata mal-elenkar ta' Korpi għall-Valutazzjoni tal-Konformità fl-Anness Settorjali għall-Kompatibbiltà Elettromanjetika [2017/467]

76

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

17.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 72/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/459

tas-16 ta' Marzu 2017

li jistabbilixxi Kodiċi tan-Netwerk dwar il-Mekkaniżmi ta' Allokazzjoni tal-Kapaċità fis-Sistemi ta' Trażmissjoni tal-Gass u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 984/2013

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kundizzjonijiet għall-aċċess għan-netwerks ta' trażmissjoni tal-gass naturali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(11) u 7(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 715/2009 jistabbilixxi regoli nondiskriminatorji għall-kundizzjonijiet ta' aċċess għas-sistemi ta' trażmissjoni tal-gass naturali bl-għan li jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tas-suq intern tal-gass.

(2)

Id-duplikazzjoni tas-sistemi ta' trażmissjoni tal-gass f'ħafna mill-każijiet la hija ekonomika u lanqas effiċjenti. Għaldaqstant, il-kompetizzjoni fis-swieq tal-gass naturali teħtieġ aċċess trasparenti u nondiskriminatorju għall-infrastruttura tal-gass mill-utenti kollha tan-netwerk. Madankollu, f'partijiet kbar mill-Unjoni, in-nuqqas ta' aċċess ugwali u trasparenti għall-kapaċità ta' trażmissjoni jibqa' ostaklu kbir għall-ilħuq ta' kompetizzjoni effettiva fis-suq tal-operaturi. Barra minn hekk, il-fatt li r-regoli nazzjonali huma differenti minn Stat Membru għall-ieħor ifixkel il-ħolqien ta' suq intern li jaħdem tajjeb għall-gass.

(3)

L-użu ineffiċjenti tal-pipelines bi pressjoni għolja tal-Unjoni u l-aċċess limitat għalihom iwassal għal kundizzjonijiet tas-suq subottimali. Jeħtieġ li tiġi implimentata sistema ta' allokazzjoni tal-kapaċitajiet ta' trażmissjoni skarsi aktar trasparenti, effiċjenti u nondiskriminatorja għas-sistemi ta' trażmissjoni tal-gass tal-Unjoni, biex b'hekk il-kompetizzjoni transfruntiera tkun tista' tiżviluppa aktar u jkun hemm progress fl-integrazzjoni tas-suq. L-iżvilupp ta' tali regoli ġie appoġġat b'mod konsistenti mill-partijiet ikkonċernati.

(4)

Il-ftuħ għal kompetizzjoni effettiva bejn il-fornituri kemm mill-Unjoni u kemm minn barra l-Unjoni jitlob li dawn ikunu jistgħu jużaw is-sistemi ta' trażmissjoni eżistenti b'mod flessibbli biex jittrasportaw il-gass tagħhom skont is-sinjali tal-prezzijiet. Huwa biss netwerk ta' grilji ta' trażmissjoni interkonnessi li jaħdem sew u li joffri kundizzjonijiet ta' aċċess ugwali għal kulħadd, li jippermetti lill-gass jgħaddi liberament fl-Unjoni kollha. Dan imbagħad jattira lil aktar fornituri, iżid il-likwidità fil-hubs ta' kummerċ, u jikkontribwixxi biex ikun hemm mekkaniżmi għall-iskoperta ta' prezzijiet effiċjenti u għaldaqstant prezzijiet tal-gass ġusti li huma bbażati fuq il-prinċipju tad-domanda u l-provvista.

(5)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 984/2013 (2) li jistabbilixxi kodiċi tan-netwerk għall-mekkaniżmu ta' allokazzjoni tal-kapaċità f'sistemi ta' trażmissjoni tal-gass kellu l-għan li jistabbilixxi l-grad meħtieġ ta' armonizzazzjoni mal-Ewropa kollha. L-implimentazzjoni effettiva ta' dak ir-Regolament kienet tiddependi wkoll mill-introduzzjoni ta' sistema ta' tariffi li huma konsistenti mal-mekkaniżmi ta' allokazzjoni tal-kapaċità proposti f'dan ir-Regolament, biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni mingħajr l-ebda effett ta' detriment fuq il-pożizzjonijiet tad-dħul u l-fluss tal-flus tal-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni.

(6)

Dan ir-Regolament għandu kamp ta' applikazzjoni aktar wiesa' minn dak tar-Regolament (UE) Nru 984/2013, prinċipalment f'termini tar-regoli għall-offerta tal-kapaċità inkrementali, filwaqt li jiċċara ċerti dispożizzjonijiet relatati kemm mad-definizzjoni u l-offerta ta' kapaċitajiet kostanti u mingħajr interruzzjoni kif ukoll mat-titjib tal-allinjament ta' termini u kundizzjonijiet kuntrattwali tal-operaturi ta' sistemi ta' trażmissjoni rispettivi għall-offerta ta' kapaċità raggruppata. Id-dispożizzjonijiet f'dan ir-Regolament dwar il-koordinazzjoni tal-manutenzjoni u l-istandardizzazzjoni tal-komunikazzjoni għandhom jiġu interpretat fil-kuntest tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/703 (3).

(7)

Sabiex l-utenti tan-netwerk ikunu jistgħu jibbenefikaw minn mekkaniżmi ta' allokazzjoni tal-kapaċità armonizzati sal-punt massimu f'suq integrat, dan ir-Regolament għandu japplika għall-kapaċitajiet mhux eżentati f'infrastrutturi ġodda maġġuri li jkunu rċevew eżenzjoni mill-Artikolu 32 tad-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), sal-punt li l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament ma jipperikolax tali eżenzjoni, u filwaqt li titqies in-natura speċifika tal-interkonnetturi meta l-kapaċità tiġi raggruppata.

(8)

Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni u dawk nazzjonali dwar il-kompetizzjoni, b'mod partikolari l-projbizzjonijiet ta' ftehimiet restrittivi (l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea) u ta' abbuż ta' pożizzjoni dominanti (l-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea). Il-mekkaniżmu ta' allokazzjoni tal-kapaċità implimentat għandu jiġi ddisinjat b'tali mod li jevita l-esklużjoni ta' swieq ta' provvista downstream.

(9)

Sabiex jiġi żgurat li l-offerta ta' kapaċità kostanti tiġi massimizzata mill-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni, għandha tiġi osservata ġerarkija ta' prodotti li bis-saħħa tagħha l-kapaċità interrompibbli ta' kull sena, trimestrali u ta' kull xahar tiġi offruta biss jekk il-kapaċità kostanti ma tkunx disponibbli.

(10)

Fejn it-termini u l-kundizzjonijiet rispettivi applikabbli għall-offerta ta' prodotti ta' kapaċità raggruppata mill-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni fuq iż-żewġ naħat ta' punt ta' interkonnessjoni jkunu differenti b'mod sostanzjali, il-valur u l-utilità ta' prenotazzjoni mill-utenti tan-netwerk ta' kapaċità raggruppata jistgħu jkunu limitati. Għalhekk għandu jitnieda proċess, immexxi mill-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (“l-Aġenzija”) u min-Netwerk Ewropew tal-Operaturi tas-Sistemi ta' Trażmissjoni tal-Gass (“ENTSOG”), li permezz tiegħu dawn it-termini u kundizzjonijiet tal-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni fl-Unjoni kollha għal prodotti ta' kapaċità raggruppata għandhom jiġu vvalutati u allinjati sa fejn possibbli, bl-għan li jinħoloq mudell komuni ta' termini u kundizzjonijiet.

(11)

Jenħtieġ proċess iktar sempliċi u armonizzat fl-Unjoni kollha għall-offerta ta' kapaċità inkrementali sabiex ikun hemm rispons għal domanda tas-suq possibbli għal tali kapaċità. Dan il-proċess għandu jikkonsisti f'valutazzjonijiet tad-domanda mwettqa b'mod regolari, segwiti minn fażi strutturata ta' disinn u allokazzjoni, fuq il-bażi ta' kooperazzjoni effettiva bejn l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni u l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-pajjiżi kollha tal-Unjoni. Kull deċiżjoni ta' investiment li tkun se tittieħed bħala segwitu għall-valutazzjoni tal-kapaċità tad-domanda tas-suq għandha tkun soġġetta għal test ekonomiku sabiex tiġi ddeterminata l-vijabbiltà ekonomika tagħha. Min-naħa tiegħu, dan it-test ekonomiku għandu jiżgura li l-utenti tan-netwerk li jitolbu l-kapaċità jieħdu responsabbiltà għar-riskji korrispondenti assoċjati mad-domanda tagħhom sabiex jiġi evitat li l-klijentela magħluqa tkun esposta għar-riskju ta' investimenti ta' dan it-tip.

(12)

L-allokazzjoni tal-kapaċità fil-kuntest ta' proġetti inkrementali standard għandha ssir skont il-proċess standard ta' allokazzjoni bi rkant sabiex jiġi garantit l-ogħla livell ta' trasparenza u nondiskriminazzjoni. Madankollu, fil-każ ta' proġetti kbar u kumplessi li jaffettwaw bosta Stati Membri, l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni għandhom ikunu jistgħu jużaw mekkaniżmi ta' allokazzjoni alternattivi. Dawk il-mekkaniżmi għandhom jipprovdu l-flessibbiltà meħtieġa biex ikun jista' jsir l-investiment f'każ li jkun hemm domanda tas-suq ġenwina, iżda xorta waħda għandhom ikunu allinjati fl-Unjoni kollha. F'każ li jiġi permess mekkaniżmu ta' allokazzjoni alternattiv, l-esklużjoni mis-suq għandha tiġi evitata u jkun meħtieġ li titwarrab kapaċità akbar għal prenotazzjonijiet fil-qosor.

(13)

Fl-implimentazzjoni ta' sistemi ta' dħul u ħruġ kumplessi, b'mod partikolari fir-rigward ta' flussi tal-gass destinati għal swieq oħra minn u lejn dawn iż-żoni, l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni implimentaw, filwaqt li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali approvaw, approċċi kuntrattwali differenti għal prodotti ta' kapaċità kostanti, li l-effett tagħhom għandu jiġi evalwat fil-kuntest tal-Unjoni kollha.

(14)

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u l-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni għandhom iqisu l-aqwa prattiki u sforzi biex jiġu armonizzati l-proċessi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament. Bi qbil mal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), l-Aġenzija u l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiżguraw li mekkaniżmi ta' allokazzjoni tal-kapaċità jiġu implimentati fil-punti ta' interkonnessjoni applikabbli mal-Unjoni kollha fl-aktar mod effettiv possibbli.

(15)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 51 tad-Direttiva 2009/73/KE,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi Kodiċi tan-Netwerk li jistabbilixxi mekkaniżmi tal-allokazzjoni tal-kapaċità f'sistemi ta' trażmissjoni tal-gass għal kapaċità eżistenti u inkrementali. Dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi kif l-operaturi kontigwi tas-sistema ta' trażmissjoni jikkooperaw sabiex jiffaċilitaw il-bejgħ ta' kapaċità, filwaqt li jqis ir-regoli kummerċjali ġenerali kif ukoll dawk tekniċi relatati mal-mekkaniżmi ta' allokazzjoni tal-kapaċità.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-punti ta' interkonnessjoni. Jista' japplika wkoll għall-punti ta' dħul minn pajjiżi terzi u l-punti ta' ħruġ tagħhom, soġġett għad-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali relevanti. Dan ir-Regolament ma għandux japplika għall-punti ta' ħruġ għall-konsumaturi aħħarin u n-netwerks ta' distribuzzjoni, il-punti ta' dħul mit-terminals ta' “gass naturali likwifikat” (LNG) u l-faċilitajiet ta' produzzjoni, u l-punti ta' dħul minn jew punti ta' ħruġ lejn il-faċiltajiet ta' ħażna.

2.   Il-mekkaniżmi standardizzati tal-allokazzjoni tal-kapaċità stabbiliti b'konformità ma' dan ir-Regolament għandhom jinkludu proċedura ta' rkant għal punti ta' interkonnessjoni relevanti fi ħdan l-Unjoni, kif ukoll il-prodotti ta' kapaċità standard li għandhom jiġu offruti u allokati. Fejn tiġi offruta kapaċità inkrementali jistgħu jintużaw ukoll mekkaniżmi ta' allokazzjoni alternattivi, soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 30(2).

3.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-kapaċità teknika u interrompibbli kollha fil-punti ta' interkonnessjoni, kif ukoll għall-kapaċità addizzjonali skont it-tifsira tal-punt 2.2.1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 u għall-kapaċità inkrementali. Dan ir-Regolament ma għandux japplika għall-punti ta' interkonnessjoni bejn l-Istati Membri fejn Stat Membru minnhom ikollu deroga abbażi tal-Artikolu 49 tad-Direttiva 2009/73/KE.

4.   Meta jiġi applikat mekkaniżmu ta' allokazzjoni alternattiv tal-kapaċità skont l-Artikolu 30, l-Artikolu 8(1) sa (7), l-Artikoli 11 sa 18, l-Artikolu 19(2) u l-Artikolu 37 ma għandhomx japplikaw għal-livelli tal-offerti, sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali relevanti.

5.   Fejn jiġu applikati metodi ta' allokazzjoni impliċita tal-kapaċità, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx l-Artikoli 8 sa 37.

6.   Biex tiġi evitata l-esklużjoni tas-swieq ta' provvista downstream, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, wara li jikkonsultaw mal-utenti tan-netwerk, jistgħu jiddeċiedu li jieħdu miżuri proporzjonati biex jillimitaw l-offerti minn qabel għall-kapaċità mingħand kwalunkwe utent tan-netwerk waħda, f'punti ta' interkonnessjoni fi Stat Membru.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009, l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/460 (6) (TAR NC) u l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/73/KE. Barra minn hekk għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.

“kapaċità inkrementali” tfisser żieda futura possibbli permezz ta' proċeduri bbażati fuq is-suq f'kapaċità teknika, jew kapaċità ġdida possibbli maħluqa fejn bħalissa ma teżistix u li tista' tiġi offruta fuq il-bażi ta' investimenti fl-infrastruttura fiżika jew l-ottimizzazzjoni tal-kapaċità fit-tul u li sussegwentement tista' tiġi allokata soġġett għal eżitu pożittiv f'test ekonomiku, fil-każijiet li ġejjin:

(a)

f'punti ta' interkonnessjoni eżistenti,

(b)

billi jiġi stabbilit punt ġdid ta' interkonnessjoni, jew billi jiġu stabbiliti punti ġodda ta' interkonnessjoni;

(c)

bħala fluss fiżiku fid-direzzjoni opposta f'punt jew punti ta' interkonnessjoni jew punti, li ma ġiex ipprovdut qabel.

2.

“punt ta' interkonnessjoni” tfisser punt fiżiku jew virtwali li jgħaqqad sistemi kontigwi ta' dħul u ħruġ, jew li jgħaqqad sistema ta' dħul u ħruġ ma' interkonnettur, safejn dawn il-punti jkunu soġġetti għall-proċeduri ta' prenotazzjoni mill-utenti tan-netwerk;

3.

“mekkaniżmu ta' allokazzjoni alternattiv” tfisser mekkaniżmu ta' allokazzjoni għal livell ta' offerta jew tal-kapaċità inkrementali mfassal fuq bażi ta' każ b'każ mill-operaturi ta' sistemi ta' trażmissjoni, u approvat mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, biex jakkomoda talbiet ta' domanda kondizzjonali.

4.

“prodott ta' kapaċità standard” tfisser ammont partikulari ta' kapaċità tat-trasport matul perjodu ta' ħin partikolari, f'punt ta' interkonnessjoni speċifikat;

5.

“livell ta' offerta” tfisser l-ammont totali tal-kapaċità disponibbli u l-livell rispettiv tal-kapaċità inkrementali offruti għal kull prodott ta' kapaċità standard annwali f'punt ta' interkonnessjoni;

6.

“metodu ta' allokazzjoni impliċita” tfisser metodu ta' allokazzjoni tal-kapaċità fejn, possibbilment permezz ta' rkant, kemm il-kapaċità ta' trażmissjoni kif ukoll kwantità korrispondenti ta' gass jiġu allokati fl-istess ħin;

7.

“sessjoni ta' offerti” tfisser perjodu ta' ħin li matulu l-utenti tan-netwerk jistgħu jissottomettu, jemendaw u jirtiraw l-offerti;

8.

“żieda qawwija fil-prezz” tfisser ammont fiss jew varjabbli ddefinit għal kull punt ta' interkonnessjoni u prodott ta' kapaċità standard;

9.

“proġett ta' kapaċità inkrementali” tfisser proġett biex jiżdied l-ammont tal-kapaċità teknika f'punt ta' interkonnessjoni eżistenti jew biex jiġi stabbilit punt ta' interkonnessjoni ġdid fuq il-bażi tal-allokazzjoni tal-kapaċità fil-proċess ta' kapaċità inkrementali ta' qabel;

10.

“test ekonomiku” tfisser test li jiġi applikat biex tiġi vvalutata l-vijabbiltà ekonomika ta' proġetti relatati mal-kapaċità inkrementali;

11.

“proċess ta' kapaċità inkrementali” tfisser proċess biex tiġi vvalutata d-domanda tas-suq għal kapaċità inkrementali li jinkludi fażi ta' natura mhux vinkolanti, fejn l-utenti tan-netwerk jesprimu u jikkwantifikaw id-domanda tagħhom għal kapaċità inkrementali, u fażi vinkolanti li fiha l-utenti tan-netwerk jintalbu għal impenji vinkolanti għal kapaċità ta' kuntrattar minn operatur ta' sistema ta' trażmissjoni wieħed jew aktar;

12.

“kapaċità raggruppata” tfisser prodott ta' kapaċità standard offrut fuq bażi kostanti, li jikkonsisti minn kapaċità ta' dħul u ħruġ korrispondenti fuq iż-żewġ naħat ta' kull punt ta' interkonnessjoni;

13.

“ftehim ta' interkonnessjoni” tfisser ftehim konkluż minn operaturi kontigwi tas-sistema ta' trażmissjoni, li s-sistemi tagħhom huma mqabbda f'punt ta' interkonnessjoni partikolari, li jispeċifika t-termini u l-kundizzjonijiet, il-proċeduri operattivi u d-dispożizzjonijiet, fir-rigward tat-twassil u/jew l-irtirar tal-gass fil-punt ta' interkonnessjoni bl-għan li tiġi ffaċilitata l-interoperabbiltà tan-netwerks ta' trażmissjoni interkonnessi, kif stabbilit fil-Kapitolu II tar-Regolament (UE) 2015/703;

14.

“kapaċitajiet f'kompetizzjoni” tfisser kapaċitajiet li għalihom il-kapaċità disponibbli f'punt wieħed tan-netwerk ma tistax tiġi allokata mingħajr ma l-kapaċità disponibbli titnaqqas b'mod sħiħ jew parzjali f'punt ieħor tan-netwerk;

15.

“kalendarju tal-irkant” tfisser tabella li turi informazzjoni relatata ma' rkanti speċifiċi li tiġi ppubblikata mill-ENTSOG sa Jannar ta' kull sena kalendarja għal irkanti li jiġu organizzati matul il-perjodu ta' Marzu sa Frar tas-sena kalendarja sussegwenti u li tikkonsisti mill-ħinijiet relevanti għall-irkanti, inklużi d-dati ta' bidu u l-prodotti ta' kapaċità standard li japplikaw għalihom;

16.

“jum tal-gass” tfisser perjodu mill-5:00 sal-5:00 UTC l-ġurnata ta' wara għall-ħin tax-xitwa, u mill-4:00 sal-4:00 UTC l-ġurnata ta' wara meta jiġi applikat il-ħin tas-sajf;

17.

“kapaċità matul l-istess jum” tfisser il-kapaċità offruta u allokata wara l-għeluq tal-irkanti tal-kapaċità ta' jum bil-quddiem fir-rigward ta' dak il-jum;

18.

“irkant b'arloġġ li jgħolli l-prezz” tfisser irkant li fih utent tan-netwerk jqiegħed il-kwantitajiet mitluba ma' żidiet fil-prezz iddefiniti, li jiġu mħabbra sussegwentement;

19.

“irkant bi prezz uniformi” tfisser irkant li fih l-utent tan-netwerk, f'sessjoni waħda ta' offerti, jagħmel offerta ta' prezz kif ukoll ta' kwantità, u l-utenti tan-netwerk kollha li jkollhom suċċess fil-kisba tal-kapaċità jħallsu l-prezz tal-iżgħar offerta b'suċċess;

20.

“prezz ta' riżerva” tfisser il-prezz minimu eliġibbli fl-irkant;

21.

“skaluna minuri ta' prezz” tfisser ammont fiss jew varjabbli ddefinit għal kull punt ta' interkonnessjoni u prodott ta' kapaċità standard li jkun iżgħar miż-żieda qawwija fil-prezz;

22.

“l-ewwel bejgħ eċċessivament taħt il-prezz” tfisser okkorrenza fejn id-domanda aggregata tal-utenti tan-netwerk kollha tkun inqas mill-kapaċità offruta jew inqas minnha fi tmiem it-tieni sessjoni ta' offerti jew sessjoni ta' offerti sussegwenti;

23.

“punt ta' interkonnessjoni virtwali” tfisser żewġ punti ta' interkonnessjoni jew aktar li jgħaqqdu l-istess żewġ sistemi kontingwi ta' dħul u ħruġ, integrati flimkien sabiex jipprovdu servizz ta' kapaċità wieħed;

24.

“fattur-f” tfisser is-sehem tal-valur attwali taż-żieda stmata fid-dħul permess jew fil-mira tal-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni assoċjat mal-kapaċità inkrementali inkluża fil-livell ta' offerta rispettiva kif stabbilit fl-Artikolu 22(1)(b) li għandu jiġi kopert mill-valur attwali tal-impenji vinkolanti tal-utenti tan-netwerk għall-kapaċità ta' kuntrattar kif ikkalkulata skont l-Artikolu 22(1)(a);

25.

“nomina eċċessiva” tfisser id-dritt tal-utenti tan-netwerk li jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi għas-sottomissjoni tan-nomini biex jitolbu kapaċità interrompibbli fi kwalunkwe ħin matul l-istess jum, billi jissottomettu nomina li żżid it-total tan-nomini tagħhom għal livell ogħla mill-kapaċità kuntrattata tiegħu.

KAPITOLU II

PRINĊIPJI TA' KOOPERAZZJONI

Artikolu 4

Koordinazzjoni tal-manutenzjoni

Meta l-manutenzjoni ta' pipeline jew parti minn netwerk ta' trażmissjoni jkollha impatt fuq l-ammont ta' kapaċità ta' trażmissjoni li jista' jiġi offrut f'punti ta' interkonnessjoni, l-operaturi ta' sistema ta' trażmissjoni għandhom jikkooperaw mal-operatur(i) kontigwi tas-sistema ta' trażmissjoni fir-rigward tal-pjanijiet ta' manutenzjoni rispettivi tagħhom, sabiex inaqqsu kemm jistgħu jkun l-impatt fuq il-flussi potenzjali ta' gass u l-kapaċità f'punt ta' interkonnessjoni.

Artikolu 5

Standardizzazzjoni tal-komunikazzjoni

1.   L-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni għandhom jikkoordinaw l-implimentazzjoni tal-proċeduri ta' komunikazzjoni standard, is-sistemi ta' informazzjoni kkoordinati u l-komunikazzjoni elettronika fuq l-Internet kumpatibbli bħal formati u protokolli ta' skambju ta' dejta kondiviża, u għandhom jaqblu fuq prinċipji dwar kif trid tiġi indirizzata din id-dejta.

2.   Il-proċeduri ta' komunikazzjoni standard għandhom jinkludu, b'mod partikolari, dawk relatati mal-aċċess tal-utenti tan-netwerk għas-sistema ta' rkant tal-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni jew pjattaforma relevanti ta' prenotazzjoni u r-reviżjoni tal-informazzjoni dwar l-irkant ipprovduta. Il-ħin u l-kontenut tad-dejta li trid tiġi skambjata għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu III.

3.   Il-proċeduri ta' komunikazzjoni standard adottati mill-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni għandhom jinkludu pjan ta' implimentazzjoni u t-tul tal-applikabbiltà, li għandhom ikunu konformi mal-iżvilupp ta' pjattaforma/pjattaformi ta' prenotazzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 37. L-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità ta' informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

Artikolu 6

Kalkolu u massimizzazzjoni tal-kapaċità

1.   Il-kapaċità teknika massima għandha tkun disponibbli għall-utenti tan-netwerk, filwaqt li jitqiesu l-integrità tas-sistema tal-kontijiet, is-sikurezza, u l-operat effiċjenti tan-netwerk.

(a)

Sabiex tiġi massimizzata l-offerta ta' kapaċità raggruppata tul l-ottimizzazzjoni tal-kapaċità teknika, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jieħdu l-miżuri li ġejjin fil-punti ta' interkonnessjoni, filwaqt li jagħtu prijorità lil dawk il-punti ta' interkonnessjoni fejn ikun hemm konġestjoni kuntrattwali skont il-punt 2.2.3(1) tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 715/2009: l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jistabbilixxu u japplikaw metodu konġunt, li jistipula l-passi speċifiċi li għandhom jittieħdu mill-operaturi rispettivi tas-sistema ta' trażmissjoni, għall-ksib tal-ottimizzazzjoni meħtieġa:

(1)

il-metodu konġunt għandu jinkludi analiżi fil-fond tal-kapaċitajiet tekniċi, inkluża kwalunkwe diskrepanza li jkun fihom fuq iż-żewġ naħat ta' punt ta' interkonnessjoni, kif ukoll azzjonijiet speċifiċi u skeda ddettaljata — inklużi l-implikazzjonijiet possibbli u l-ksib tal-approvazzjonijiet regolatorji meħtieġa biex jiġu rkuprati l-ispejjeż u jiġi aġġustat ir-reġim regolatorju -, meħtieġa biex tiġi mmassimizzata l-offerta tal-kapaċità raggruppata. Tali azzjonijiet speċifiċi ma għandhomx jipperikolaw l-offerta ta' kapaċità f'punti relevanti oħra tas-sistemi kkonċernati u f'punti għan-netwerk ta' distribuzzjoni relevanti għas-sikurezza tal-provvista lill-klijenti aħħarija, bħal dawk lejn il-faċilitajiet ta' ħażna, terminals tal-LNG u klijenti protetti, kif definit fir-Regolament (UE) Nru 994/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(2)

Il-metodoloġija għall-kalkolu u r-regoli rigward id-disponibbiltà tal-kapaċità, li ġew adottati mill-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni, għandhom jindirizzaw sitwazzjonijiet speċifiċi fejn kapaċitajiet f'kompetizzjoni f'sistemi differenti jinvolvu punti ta' interkonnessjoni u punti ta' ħruġ lejn faċilitajiet ta' ħżin.

(3)

Din l-analiżi fil-fond għandha tqis l-assunzjonijiet magħmula fil-pjan ta' żvilupp tan-netwerk għal għaxar snin mifrux fl-Unjoni kollha skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009, il-pjanijiet ta' investiment nazzjonali, l-obbligi relevanti skont il-liġijiet nazzjonali applikabbli u kull obbligu kuntrattwali relevanti;

(4)

l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni relevanti għandhom japplikaw approċċ dinamiku għall-kalkolu mill-ġdid tal-kapaċità teknika, fejn xieraq flimkien mal-kalkolu dinamiku applikat għall-kapaċità addizzjonali abbażi tal-punt 2.2.2.2 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 715/2009, biex jidentifikaw b'mod konġunt il-frekwenza xierqa għall-kalkolu mill-ġdid għal kull punt ta' interkonnessjoni, u filwaqt li jikkunsidraw l-ispeċifiċitajiet partikulari tiegħu;

(5)

fil-metodu konġunt, l-operaturi kontigwi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jikkonsultaw operaturi oħra ta' sistemi ta' trażmissjoni milqutin b'mod speċifiku mill-punt ta' interkonnessjoni;

(6)

l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni għandhom iqisu l-informazzjoni li l-utenti tan-netwerk jistgħu jipprovdu fir-rigward ta' flussi mistennija fil-futur meta jiġu biex jikkalkulaw mill-ġdid il-kapaċità teknika.

(b)

l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni għandhom jivvalutaw b'mod konġunt tal-anqas il-parametri li ġejjin, u fejn xieraq jaġġustawhom:

(1)

l-impenji ta' pressjoni;

(2)

ix-xenarji ta' domanda u provvista relevanti kollha, inklużi d-dettalji dwar il-kundizzjonijiet klimatiċi ta' referenza u l-konfigurazzjonijiet tan-netwerk assoċjati ma' xenarji estremi;

(3)

il-valur kalorifiku.

2.   Fejn l-ottimizzazzjoni tal-kapaċità teknika tikkaġuna spejjeż lill-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni, partikularment spejjeż li jolqtu b'mod żbilanċjat lill-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni fuq naħa jew oħra ta' punt ta' interkonnessjoni, l-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni għandu jkollhom il-permess jirkupraw tali spejjeż imġarrba permezz tal-qafas regolatorju stabbilit mill-awtoritajiet regolatorji relevanti skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 jew l-Artikolu 42 tad-Direttiva 2009/73/KE. L-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 713/2009 għandu japplika.

3.   Fejn xieraq, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jikkonsultaw mal-utenti tan-netwerk dwar il-metodu ta' kalkolu applikat u l-approċċ konġunt.

4.   Il-bidliet fl-ammont tal-kapaċità raggruppata offruta f'punti ta' interkonnessjoni b'riżultat tal-proċess skont il-paragrafu 1 għandhom jiġu inklużi fir-rapport tal-Aġenzija ppubblikat skont il-punt 2.2.1(2) tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 715/2009.

Artikolu 7

Skambju ta' informazzjoni bejn operaturi kontingwi tas-sistema ta' trażmissjoni

1.   L-operaturi kontigwi tas-sistemi ta' trażmissjoni għandhom jiskambjaw informazzjoni dwar in-nomina, in-nomina mill-ġdid, it-tqabbil u l-konferma f'punti ta' interkonnessjoni relevanti fuq bażi regolari.

2.   L-operaturi kontigwi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jiskambjaw l-informazzjoni dwar il-manutenzjoni tan-netwerk ta' trażmissjoni individwali sabiex jikkontribwixxu għall-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet fir-rigward tal-użu tekniku tal-punti ta' interkonnessjoni. Il-proċeduri għall-iskambju ta' dejta bejn l-operaturi ta' sistemi ta' trażmissjoni għandhom jiġu integrati fil-ftehim ta' interkonnessjoni rispettiv tagħhom.

KAPITOLU III

ALLOKAZZJONI TA' PRODOTTI TA' KAPAĊITÀ KOSTANTI

Artikolu 8

Metodoloġija tal-allokazzjoni

1.   L-allokazzjoni tal-kapaċità f'punti ta' interkonnessjoni għandha ssir permezz ta' rkanti, ħlief fejn tiġi applikata l-metodoloġija ta' allokazzjoni alternattiva skont l-Artikolu 30.

2.   Fil-punti ta' interkonnessjoni kollha għandu jiġi applikat l-istess disinn ta' rkant. Il-proċessi ta' rkant relevanti għandhom jibdew fl-istess ħin għall-punti ta' interkonnessjoni kkonċernati kollha. Kull proċess ta' rkant, relatat ma' prodott ta' kapaċità standard uniku, għandu jalloka kapaċità indipendentement minn kull proċess ta' rkant ieħor ħlief meta tiġi offruta kapaċità inkrementali jew meta, soġġett għall-ftehim bejn l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni involuti direttament u l-approvazzjoni tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali relevanti, tiġi allokata kapaċità ta' kompetizzjoni. L-awtorità regolatorja nazzjonali ta' kull Stat Membru kontigwu affettwat tista' tistabbilixxi pożizzjoni li għandha tiġi kkunsidrata mill-awtorità regolatorja nazzjonali relevanti. Jekk tiġi offruta kapaċità inkrementali, l-allokazzjoni indipendenti m'għandhiex tapplika għall-proċessi simultanji tal-irkant għal-livelli rispettivi tal-offerti, peress li dawn huma dipendenti fuq xulxin billi tista' tiġi allokata offerta waħda biss.

3.   Il-prodotti ta' kapaċità standard għandhom isegwu ordni loġika li permezz tagħha l-ewwel għandhom jiġu offruti l-prodotti li jkopru kapaċità annwali, segwiti mill-iqsar tul li jmiss għall-użu fl-istess perjodu. Il-ħin tal-irkanti stipulat fl-Artikoli 11 sa 15 għandu jkun konsistenti ma' dan il-prinċipju.

4.   Ir-regoli dwar il-prodotti ta' kapaċità standard kif stabbiliti fl-Artikolu 9 u l-irkanti kif stabbiliti fl-Artikoli 11 sa 15 għandhom japplikaw għall-kapaċità raggruppata u għall-kapaċità mhux raggruppata f'punt ta' interkonnessjoni.

5.   Skont l-irkant inkwistjoni, għandha tiġi kkomunikata d-disponibbiltà tal-prodotti ta' kapaċità standard relevanti skont l-Artikoli 11 sa 15 u skont il-kalendarju tal-irkant.

6.   Ammont li jkun tal-inqas ugwali għal 20 % tal-kapaċità teknika eżistenti f'kull punt ta' interkonnessjoni għandu jitwarrab, u jiġi offrut skont il-paragrafu 7. Jekk il-kapaċità disponibbli tkun inqas mill-proporzjon ta' kapaċità teknika li għandu jiġi mwarrab, għandu jitwarrab l-intier ta' kwalunkwe kapaċità disponibbli. Din il-kapaċità għandha tiġi offruta skont il-punt (b) tal-paragrafu 7, filwaqt li kwalunkwe kapaċità li jifdal li tkun twarrbet għandha tiġi offruta skont il-punt (a) tal-paragrafu 7.

7.   Kwalunkwe kapaċità mwarrba skont il-paragrafu 6 għandha tiġi offruta, soġġett għad-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a)

għandu jiġi offrut ammont li jkun tal-inqas ugwali għal 10 % tal-kapaċità teknika f'kull punt ta' interkonnessjoni mhux qabel l-irkant ta' kapaċità annwali ta' kull sena kif previst fl-Artikolu 11 organizzat skont il-kalendarju tal-irkant matul il-ħames sena tal-gass li tippreċedi l-bidu tas-sena tal-gass relevanti; u

(b)

l-ewwel għandu jiġi offrut ammont ulterjuri li jkun tal-inqas daqs 10 % tal-kapaċità teknika f'kull punt ta' interkonnessjoni mhux qabel l-irkant trimestrali ta' kapaċità ta' kull sena kif previst fl-Artikolu 12 organizzat skont il-kalendarju tal-irkant matul il-ħames sena tal-gass li tippreċedi l-bidu tas-sena tal-gass relevanti.

8.   Fil-każ ta' kapaċità ġdida, għandu jitwarrab ammont li jkun tal-inqas ugwali għal 10 % tal-kapaċità teknika inkrementali f'kull punt ta' interkonnessjoni kkonċernat, u ma għandux jiġi offrut qabel l-irkant trimestrali ta' kapaċità ta' kull sena kif previst fl-Artikolu 12, imtella' skont il-kalendarju tal-irkant matul is-sena tal-gass li tippreċedi l-bidu tas-sena tal-gass relevanti.

9.   Il-proporzjon eżatt tal-kapaċità li għandu jitwarrab skont il-paragrafi 6 u 8 għandu jkun soġġett għal konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, l-allinjament bejn l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni u l-approvazzjoni mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali f'kull punt ta' interkonnessjoni. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom b'mod partikolari jikkunsidraw li jwarrbu ishma akbar ta' kapaċità għal tul ta' żmien iqsar biex jevitaw l-esklużjoni tas-swieq ta' provvista downstream.

10.   Il-kapaċità maħluqa permezz ta' proċeduri mhux ibbażati fuq is-suq u li għaliha d-deċiżjoni finali dwar l-investiment tkun ittieħdet mingħajr impenji preċedenti mingħand l-utenti tan-network għandha tiġi offruta u allokata bħala prodotti ta' kapaċità standard disponibbli skont kif stabbilit f'dan ir-Regolament.

Artikolu 9

Prodotti ta' kapaċità standard

1.   L-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni għandhom joffru prodotti ta' kapaċità standard fuq bażi annwali, trimestrali, ta' kull xahar, ta' kuljum, u ta' matul l-istess jum.

2.   Il-prodotti ta' kapaċità standard ta' kull sena għandhom ikunu l-kapaċità, li tista' ssir applikazzjoni għaliha, f'ammont partikolari, minn utent tan-netwerk għall-jiem tal-gass kollha f'sena tal-gass partikolari (li tibda fl-1 ta' Ottubru).

3.   Il-prodotti ta' kapaċità standard trimestrali għandhom ikunu l-kapaċità, li tista' ssir applikazzjoni għaliha, f'ammont partikolari, minn utent tan-netwerk għall-jiem tal-gass kollha f'trimestru partikolari (li jibda fl-1 ta' Ottubru, l-1 ta' Jannar, l-1 ta' April jew l-1 ta' Lulju rispettivament).

4.   Il-prodotti ta' kapaċità standard ta' kull xahar għandhom ikunu l-kapaċità, li tista' ssir applikazzjoni għaliha, f'ammont partikolari, minn utent tan-netwerk għall-jiem tal-gass kollha f'xahar tal-kalendarju partikolari (li jibda fl-ewwel jum ta' kull xahar).

5.   Il-prodotti ta' kapaċità standard ta' kuljum għandhom ikunu l-kapaċità, li tista' ssir applikazzjoni għaliha, f'ammont partikolari, minn utent tan-netwerk għal jum tal-gass uniku.

6.   Il-prodotti ta' kapaċità standard matul l-istess jum għandhom ikunu l-kapaċità, li tista' ssir applikazzjoni għaliha, f'ammont partikolari, minn utent tan-netwerk minn ħin tal-bidu f'jum tal-gass partikolari sa tmiem l-istess jum tal-gass.

Artikolu 10

Unitá ta' kapaċità applikata

Il-kapaċità offruta għandha tiġi espressa f'unitajiet ta' enerġija għal kull unità ta' ħin. Għandhom jintużaw l-unitajiet li ġejjin: kWh/h jew KWh/d. F'każ ta' kWh/d, wieħed għandu jassumi rata ta' fluss fissa matul il-jum tal-gass.

Artikolu 11

Irkanti ta' kapaċità annwali ta' kull sena

1.   L-irkanti annwali ta' kapaċità għandhom jiġu organizzati darba f'sena.

2.   Il-kapaċità għal kull prodott ta' kapaċità standard annwali għandha tiġi rkantata permezz ta' rkant ta' kapaċità annwali ta' kull sena permezz ta' algoritmu ta' rkant b'arloġġ li jgħolli l-prezz skont l-Artikolu 17.

3.   Il-proċess ta' rkant għandu mill-inqas joffri kapaċità għall-ħames snin tal-gass li ġejjin, u mhux aktar mill-15-il sena tal-gass għall-kapaċità eżistenti. Meta tiġi offruta kapaċità inkrementali, il-livelli tal-offerti jistgħu jiġu offruti f'irkanti annwali ta' kapaċità għal massimu ta' 15-il sena wara l-bidu tal-użu operattiv.

4.   Mill-2018, l-irkanti ta' kapaċità annwali ta' kull sena għandhom jibdew fl-ewwel nhar ta' Tnejn ta' Lulju ta' kull sena sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor fil-kalendarju tal-irkant.

5.   Matul l-irkant ta' kapaċità annwali ta' kull sena, l-utenti tan-netwerk għandhom ikunu jistgħu jieħdu sehem f'irkant wieħed jew aktar li jsiru b'mod parallel fir-rigward ta' kull punt ta' interkonnessjoni sabiex japplikaw għall-prodotti ta' kapaċità standard.

6.   Il-kapaċità li għandha tiġi offruta matul l-irkant ta' kapaċità annwali ta' kull sena għandha tkun daqs:

 

A – B – C + D + E – F

 

Fejn:

A hija l-kapaċità teknika tal-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni għal kull wieħed mill-prodotti ta' kapaċità standard;

B għal irkanti annwali ta' kull sena li joffru kapaċità għall-ħames snin li jmiss, hija l-proporzjoni ta' kapaċità teknika (A) imwarrba skont l-Artikolu 8(7); għal irkanti annwali ta' kull sena għal kapaċità li tmur lil hinn mill-ewwel ħames snin, hija l-proporzjon ta' kapaċità teknika (A) imwarrba skont l-Artikolu 8(7);

C hija l-kapaċità teknika mibjugħa preċedentement, aġġustata mill-kapaċità li tiġi offruta mill-ġdid skont il-proċeduri ta' ġestjoni tal-konġestjoni applikabbli;

D hija kapaċità addizzjonali, għal dik is-sena, jekk ikun hemm.

E hija l-kapaċità inkrementali għal dik is-sena inkluża f'livell ta' offerta rispettiv, jekk ikun hemm;

F hija l-ammont tal-kapaċità inkrementali (E), jekk ikun hemm, imwarrab skont l-Artikolu 8(8) u (9).

7.   Il-kapaċità li għandha tiġi offruta tista' tkun kapaċità raggruppata jew kapaċità mhux raggruppata skont l-Artikolu 19. Dan japplika wkoll għall-irkanti l-oħra kollha kif stabbilit fl-Artikoli 12 sa 15.

8.   Mill-inqas xahar qabel ma jibda l-irkant, l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni għandhom jinnotifikaw lill-utenti tan-netwerk dwar l-ammont ta' kapaċità kostanti li għandhom jiġu offruti għal kull sena għall-irkant ta' kapaċità annwali ta' kull sena li jkun imiss.

9.   Is-sessjonijiet ta' offerti ta' kull irkant għandhom isiru bejn 08:00 UTC sa 17:00 UTC (ħin tax-xitwa) jew 07:00 UTC sa 16:00 UTC (ħin tas-sajf) fil-Jiem tal-Gass rilevanti kollha. Is-sessjonijiet ta' offerti għandhom jinfetħu u jingħalqu f'kull jum tal-gass, kif speċifikat fl-Artikolu 17(2).

10.   Ir-riżultati ta' allokazzjoni tal-irkant għandhom ikunu disponibbli malajr kemm jista' jkun u fl-istess ħin għall-utenti individwali tan-netwerk li jieħdu sehem fl-irkant rispettiv, sa mhux aktar tard mill-jum ta' negozju li jmiss wara l-għeluq tas-sessjoni ta' offerti.

Fil-każ tal-kapaċità inkrementali, l-impenji vinkolanti tal-utenti tan-netwerk għall-kapaċità ta' kuntrattar, inkluż jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet għal repetizzjoni ta' rkant skont l-Artikolu 29(3), għandhom ikunu disponibbli fl-istess ħin għall-utenti individwali tan-netwerk li jkunu qed jieħdu sehem fl-irkant rispettiv, mhux aktar tard mill-jum ta' negozju li jkun imiss wara l-għeluq tas-sessjoni ta' offerti Ir-riżultati tat-testijiet ekonomiċi għandhom jiġu magħmula disponibbli sa mhux aktar tard minn jumejn ta' negozju wara l-għeluq tas-sessjoni ta' offerti, u fl-istess ħin għall-utenti individwali tan-netwerk li jkunu qed jieħdu sehem fl-irkant rispetti.

11.   L-informazzjoni aggregata dwar ir-riżultati tal-irkant għandha tiġi ppubblikata għas-suq.

Artikolu 12

Irkanti trimestrali ta' kapaċità ta' kull sena

1.   Kull sena tal-gass għandhom isiru erba' rkanti trimestrali ta' kapaċità ta' kull sena.

2.   Il-kapaċità għal kull prodott ta' kapaċità standard trimestrali għandha tiġi rkantata permezz tal-irkant trimestrali ta' kapaċità ta' kull sena permezz ta' algoritmu ta' rkant b'arloġġ li jgħolli l-prezz skont l-Artikolu 17.

3.   Il-kapaċità għal perjodi trimestrali għas-sena tal-gass li jkun imiss għandha tiġi rkantata permezz ta' rkanti trimestrali li jsiru b'mod parallel u fir-rigward ta' kull punt ta' interkonnessjoni, kif ġej:

(a)

għall-ewwel trimestru (Ottubru-Diċembru) sar-raba' trimestru (Lulju-Settembru) fl-ewwel irkant trimestrali ta' kapaċità ta' kull sena;

(b)

għat-tieni trimestru (Jannar-Marzu) sar-raba' trimestru (Lulju-Settembru) fit-tieni rkant trimestrali ta' kapaċità ta' kull sena;

(c)

għat-tielet trimestru (April-Ġunju) sar-raba' trimestru (Lulju-Settembru) fit-tielet irkant trimestrali ta' kapaċità ta' kull sena;

(d)

għall-aħħar trimestru (Lulju-Settembru) fir-raba' rkant trimestrali ta' kapaċità ta' kull sena.

Għal kull irkant trimestrali ta' kapaċità ta' kull sena, l-utenti tan-netwerk għandhom ikunu jistgħu jieħdu sehem fl-irkanti kollha li jsiru b'mod parallel.

4.   Kull sena tal-gass, l-irkanti trimestrali ta' kapaċità ta' kull sena għandhom jibdew fil-jiem ta' wara, sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor fil-kalendarju tal-irkant:

(a)

l-ewwel irkanti trimestrali ta' kapaċità ta' kull sena għandhom jibdew fl-ewwel nhar ta' Tnejn ta' Awwissu;

(b)

it-tieni rkanti trimestrali ta' kapaċità ta' kull sena għandhom jibdew fl-ewwel nhar ta' Tnejn ta' Novembru;

(c)

it-tielet irkanti trimestrali ta' kapaċità ta' kull sena għandhom jibdew fl-ewwel nhar ta' Tnejn ta' Frar;

(d)

ir-raba' rkanti trimestrali ta' kapaċità ta' kull sena għandhom jibdew fl-ewwel nhar ta' Tnejn ta' Mejju.

5.   Il-kapaċità li għandha tiġi offruta fl-irkanti trimestrali kollha ta' kapaċità ta' kull sena għandha tkun ugwali għal:

 

A – C + D

 

Fejn:

A hija l-kapaċità teknika tal-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni għal kull wieħed mill-prodotti ta' kapaċità standard;

C hija l-kapaċità teknika mibjugħa preċedentement, aġġustata mill-kapaċità li tiġi offruta mill-ġdid skont il-proċeduri ta' ġestjoni tal-konġestjoni applikabbli;

D hija kapaċità addizzjonali, għal dak it-trimestru, jekk ikun hemm.

6.   Ġimagħtejn qabel ma jibda l-irkant, l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni għandhom jinnotifikaw lill-utenti tan-netwerk dwar l-ammont ta' kapaċità li għandha tiġi offruta kull trimestru għall-irkant trimestrali ta' kapaċità ta' kull sena li jkun imiss.

7.   Is-sessjonijiet ta' offerti ta' kull irkant għandhom isiru bejn it-08:00 UTC u l-17:00 UTC (ħin tax-xitwa) jew mis-07:00 UTC sal-16:00 UTC (ħin tas-sajf) fil-jiem tal-gass relevanti kollha. Is-sessjonijiet ta' offerti għandhom jinfetħu u jingħalqu f'kull jum tal-gass, kif speċifikat fl-Artikolu 17(2).

8.   Ir-riżultati ta' allokazzjoni tal-irkant għandhom jiġu ppubblikati, malajr kemm jista' jkun, u sa mhux aktar tard mill-jum ta' negozju li jmiss wara l-għeluq tas-sessjoni ta' offerti, u fl-istess ħin għall-utenti individwali tan-netwerk li jieħdu sehem fl-irkant rispettiv.

9.   L-informazzjoni aggregata dwar ir-riżultati tal-irkant għandha tiġi ppubblikata għas-suq.

Artikolu 13

Irkanti rikorrenti ta' kapaċità ta' kull xahar

1.   L-irkanti rikorrenti ta' kapaċità ta' kull xahar għandhom jittellgħu darba fix-xahar.

2.   Il-kapaċità għal kull prodott ta' kapaċità standard ta' kull xahar għandha tiġi rkantata permezz tal-irkant rikorrenti ta' kapaċità ta' kull xahar permezz ta' algoritmu ta' rkant b'arloġġ li jgħolli l-prezz skont l-Artikolu 17. Kull xahar, il-prodott ta' kapaċità standard ta' kull xahar għax-xahar kalendarju ta' wara għandu jiġi rkantat.

3.   Matul l-irkant rikorrenti ta' kapaċità ta' kull xahar, l-utenti tan-netwerk għandhom ikunu jistgħu japplikaw għal prodott ta' kapaċità standard ta' kull xahar wieħed.

4.   L-irkanti rikorrenti ta' kapaċità ta' kull xahar għandhom jibdew fit-tielet nhar ta' Tnejn ta' kull xahar għall-prodott ta' kapaċità standard ta' kull xahar li jmiss sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fil-kalendarju tal-irkanti.

5.   Il-kapaċità li għandha tiġi offruta fl-irkant rikorrenti ta' kapaċità ta' kull xahar, kull xahar, għandha tkun daqs:

 

A – C + D

 

Fejn:

A hija l-kapaċità teknika tal-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni għal kull wieħed mill-prodotti ta' kapaċità standard;

C hija l-kapaċità teknika mibjugħa preċedentement, aġġustata mill-kapaċità li tiġi offruta mill-ġdid skont il-proċeduri ta' ġestjoni tal-konġestjoni applikabbli;

D hija kapaċità addizzjonali, għal dak ix-xahar, jekk ikun hemm.

6.   Ġimgħa qabel ma jibda l-irkant, l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni għandhom jinnotifikaw lill-utenti tan-netwerk dwar l-ammont ta' kapaċità li għandha tiġi offruta għall-irkant rikorrenti ta' kapaċità ta' kull xahar li jmiss.

7.   Is-sessjonijiet ta' offerti ta' kull irkant għandhom isiru bejn 08:00 UTC sa 17:00 UTC (ħin tax-xitwa) jew 07:00 UTC sa 16:00 UTC (ħin tas-sajf) fil-Jiem tal-Gass rilevanti kollha. Is-sessjonijiet ta' offerti għandhom jinfetħu u jingħalqu f'kull jum tal-gass, kif speċifikat fl-Artikolu 17(2).

8.   Ir-riżultati ta' allokazzjoni tal-irkant għandhom jiġu ppubblikati, malajr kemm jista' jkun, u sa mhux aktar tard mill-jum ta' negozju li jmiss wara l-għeluq tas-sessjoni ta' offerti, u fl-istess ħin għall-utenti individwali tan-netwerk li jieħdu sehem fl-irkant rispettiv.

9.   L-informazzjoni aggregata dwar ir-riżultati tal-irkant għandha tiġi ppubblikata għas-suq.

Artikolu 14

Irkanti rikorrenti tal-kapaċità ta' jum bil-quddiem

1.   L-irkanti rikorrenti ta' kapaċità ta' kull xahar għandhom jittellgħu darba fix-xahar.

2.   Kuljum, prodott ta' kapaċità standard għall-jum tal-gass ta' wara għandu jiġi rkantat permezz tal-irkant rikorrenti ta' kapaċità ta' jum bil-quddiem.

3.   Il-kapaċità għal kull prodott ta' kapaċità standard ta' kuljum għandha tiġi rkantata permezz tal-irkant rikorrenti ta' kapaċità ta' jum bil-quddiem permezz ta' algoritmu ta' rkant skont l-Artikolu 18. Kuljum, il-prodott ta' kapaċità standard ta' kuljum għall-jum tal-gass ta' wara għandu jiġi rkantat.

4.   Matul l-irkant rikorrenti ta' kapaċità ta' jum bil-quddiem, l-utenti tan-netwerk għandhom ikunu jistgħu japplikaw għal kapaċità ta' prodott ta' kapaċità standard ta' kuljum.

5.   Is-sessjoni ta' offerti għandha tiftaħ kuljum fit-15:30 UTC (ħin tax-xitwa) jew fis-14:30 UTC (ħin tas-sajf).

6.   Offera ta' kapaċità għall-prodott ta' kapaċità standard ta' kuljum għall-irkant rikorrenti ta' kapaċità ta' jum bil-quddiem għandha tiġi ttrattata kif ġej: sottomissjoni, irtirar jew emenda minn 15:30 UTC sa 16:00 UTC (ħin tax-xitwa) jew 14:30 UTC sa 15:00 UTC (ħin tas-sajf).

7.   Il-kapaċità li għandha tiġi offruta fl-irkant rikorrenti ta' kapaċità ta' jum bil-quddiem, kuljum, għandha tkun daqs:

 

A – C + D

 

Fejn:

A hija l-kapaċità teknika tal-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni għal kull wieħed mill-prodotti ta' kapaċità standard;

C hija l-kapaċità teknika mibjugħa preċedentement, aġġustata mill-kapaċità li tiġi offruta mill-ġdid skont il-proċeduri ta' ġestjoni tal-konġestjoni applikabbli;

D hija kapaċità addizzjonali, għal dak il-jum, jekk ikun hemm.

8.   Meta tiftaħ is-sessjoni ta' offerti, l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni għandhom jinnotifikaw lill-utenti tan-netwerk dwar l-ammont ta' kapaċità li għandha tiġi offruta għall-irkant rikorrenti ta' kapaċità ta' jum bil-quddiem li jmiss.

9.   Ir-riżultati ta' allokazzjoni tal-irkant għandhom jiġu ppubblikati, sa mhux aktar tard minn 30 minuta wara l-għeluq tas-sessjoni ta' offerti, u fl-istess ħin għall-utenti individwali tan-netwerk li jieħdu sehem fl-irkant rispettiv.

10.   L-informazzjoni aggregata dwar ir-riżultati tal-irkant għandha tiġi ppubblikata għas-suq.

Artikolu 15

Irkanti rikorrenti ta' kapaċità matul l-istess jum

1.   Soġġett għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta' kapaċità, għandu jsir irkant ta' kapaċità matul l-istess jum kull siegħa matul jum tal-gass, permezz ta' algoritmu tal-irkant bi prezzijiet uniformi skont l-Artikolu 18.

2.   L-ewwel sessjoni ta' offerti għandha tinfetaħ direttament fl-ewwel bar ta' siegħa li jmiss wara l-pubblikazzjoni tar-riżultati tal-aħħar irkant b'jum bil-quddiem (anki kapaċità interrompibbli, jekk tiġi offruta) skont l-Artikolu 14. L-ewwel sessjoni ta' offerti tagħlaq fis-01:30 UTC (ħin tax-xitwa) jew fin-00:30 UTC (ħin tas-sajf) qabel il-jum tal-gass. L-allokazzjoni ta' offerti b'suċċess għandha tkun effettiva minn 05:00 UTC (ħin tax-xitwa) jew 04:00 UTC (ħin tas-sajf) fil-jum tal-gass rilevanti.

3.   L-aħħar sessjoni ta' offerti tagħlaq fin-00:30 UTC (ħin tax-xitwa) jew fil-23:30 UTC (ħin tas-sajf) fil-jum tal-gass relevanti.

4.   L-utenti tan-netwerk għandhom ikunu intitolati li jressqu, jirtiraw jew jemendaw offerti mill-ftuħ ta' kull sessjoni ta' offerti, sal-għeluq ta' dik is-sessjoni ta' offerti.

5.   Kull siegħa fil-jum tal-gass relevanti, il-kapaċità effettiva mis-siegħa +4 għandha tiġi rkantata bħala kapaċità matul l-istess jum.

6.   Kull sessjoni ta' offerti għandha tiftaħ fil-bidu ta' kull siegħa fil-jum tal-gass relevanti.

7.   It-tul ta' kull sessjoni ta' offerti għandu jkun 30 minuta bħal tal-ftuħ tas-sessjoni ta' offerti.

8.   Il-kapaċità li għandha tiġi offruta fl-irkant ta' kapaċità matul l-istess jum, kull siegħa, għandha tkun daqs:

 

A – C + D

 

Fejn:

A hija l-kapaċità teknika tal-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni għal kull wieħed mill-prodotti ta' kapaċità standard;

C hija l-kapaċità teknika mibjugħa preċedentement, aġġustata mill-kapaċità li tiġi offruta mill-ġdid skont il-proċeduri ta' ġestjoni tal-konġestjoni applikabbli;

D hija kapaċità addizzjonali, jekk ikun hemm.

9.   L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jippubblikaw l-ammont disponibbli ta' kapaċità kostanti matul l-istess jum li jkun qiegħed jiġi offrut, wara l-għeluq tal-aħħar irkant ta' jum bil-quddiem u skont l-Artikolu 32(9).

10.   L-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni għandhom jipprovdu lill-utenti tan-netwerk li jressqu offerta fl-irkanti ta' jum bil-quddiem bl-għażla li l-offerti tagħhom validi iżda bla suċċess jiddaħħlu awtomatikament fl-irkant sussegwenti ta' jum bil-quddiem.

11.   Il-kapaċità għandha tiġi allokata fi żmien 30 minuta mill-għeluq tas-sessjoni ta' offerti sakemm l-offerti jiġu aċċettati u l-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni jkun għaddej bil-proċess ta' allokazzjoni.

12.   Ir-riżultati tal-irkant għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-utenti tan-netwerk individwali fl-istess ħin.

13.   L-informazzjoni aggregata dwar ir-riżultati tal-irkant għandha tiġi ppubblikata tal-anqas fi tmiem kull jum.

Artikolu 16

Algoritmi ta' rkant

1.   Jekk jiġu offruti diversi prodotti ta' kapaċità standard matul irkant, l-algoritmu ta' allokazzjoni rispettiv għandu jiġi applikat b'mod separat għal kull prodott ta' kapaċità standard meta jkun qiegħed jiġi allokat. L-offerti għall-prodotti ta' kapaċità standard differenti għandhom jitqiesu indipendenti minn xulxin fl-applikazzjoni tal-algoritmu ta' rkant.

2.   Għall-irkanti ta' kapaċità annwali ta' kull sena, l-irkanti ta' kapaċità trimestrali ta' kull sena u l-irkanti rikorrenti ta' kapaċità ta' kull xahar, għandu jiġi applikat algoritmu ta' rkant bi prezz axxendenti, b'aktar minn sessjoni waħda ta' offerti, kif stipulat fl-Artikolu 17.

3.   Għall-irkanti rikorrenti ta' kapaċità ta' jum bil-quddiem u l-irkanti ta' kapaċità matul l-istess jum, għandu jiġi applikat algoritmu ta' rkant bi prezz uniformi, b'sessjoni ta' offerti unika, skont l-Artikolu 18.

Artikolu 17

Algoritmu ta' rkant b'arloġġ li jgħolli l-prezz

1.   L-irkanti b'arloġġ li jgħolli l-prezz għandhom jippermettu li l-utenti tan-netwerk jagħmlu offerti ta' volum kontra prezzijiet li jkunu qegħdin jogħlew li jkunu ġew imħabbra f'sessjonijiet ta' offerti konsekuttivi, li jibdew bil-prezz ta' riżerva P0.

2.   L-ewwel sessjoni ta' offerti, bi prezz assoċjat daqs il-prezz ta' riżerva P0, għandha ddum tliet (3) sigħat. Sessjonijiet ta' offerti sussegwenti għandhom idumu siegħa. Għandu jkun hemm perjodu ta' siegħa bejn is-sessjonijiet ta' offerti.

3.   Offerta għandha tispeċifika:

(a)

l-identità tal-utent tan-netwerk li jkun qiegħed japplika;

(b)

Offerta għandha tispeċifika:

(c)

il-prodott ta' kapaċità standard li għalih tkun saret l-applikazzjoni għall-kapaċità;

(d)

għal kull żieda tal-prezz, l-ammont ta' kapaċità għall-prodott ta' kapaċità standard rispettiv li għalih tkun saret l-applikazzjoni;

(e)

fejn tiġi offruta kapaċità inkrementali, il-livell ta' offerta kkonċernat.

4.   Offerta għandha titqies valida jekk tkun ġiet sottomessa minn utent tan-netwerk u tikkonforma ma' kull dispożizzjoni ta' dan l-Artikolu.

5.   Biex l-utenti tan-netwerk jieħdu sehem fi rkant, għandu jkun obbligatorju għall-utenti tan-netwerk li dawn jagħmlu offerta ta' volum fl-ewwel sessjoni ta' offerti.

6.   L-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni għandhom jipprovdu lill-utenti tan-netwerk bl-għażla li jdaħħlu offerti b'mod awtomatiku kontra kull żieda fil-prezz.

7.   Malli tagħlaq is-sessjoni ta' offerti relevanti, ma għandhom isiru l-ebda modifika, irtirar jew varjazzjoni tal-offerti validi. Kull offerta valida għandha ssir impenn vinkolanti min-naħa ta' utent tan-netwerk biex jipprenota l-kapaċità għall-ammont mitlub skont il-prezz imħabbar, sakemm il-prezz ta' approvazzjoni tal-irkant ikun dak li jiġi mħabbar fis-sessjoni ta' offerti relevanti.

8.   L-offerta ta' volum fi kwalunkwe sessjoni ta' offerti għal kull utent tan-netwerk għandha tkun daqs il-kapaċità offruta jew inqas fi rkant speċifiku. L-offerta ta' volum għal kull utent tan-netwerk bi prezz speċifiku għandha tkun daqs l-offerta ta' volum jew inqas li jagħmel l-utent tan-netwerk fis-sessjoni preċedenti, ħlief fejn japplika l-paragrafu 16.

9.   L-offerti jistgħu jiddaħħlu, jiġu mmodifikati u rtirati liberament matul sessjoni ta' offerti, sakemm l-offerti kollha jikkonformaw mal-paragrafu 8. L-offerti validi għandhom jibqgħu validi sakemm jiġu mmodifikati jew irtirati.

10.   Skaluna maġġuri ta' prezz u skaluna minuri ta' prezz għandhom jiġu ddefiniti għal kull punt ta' interkonnessjoni u għal kull prodott ta' kapaċità standard, u għandhom jiġu ppubblikati qabel isir l-irkant relevanti. L-iskaluna minuri ta' prezz għandha tiġi stabbilita b'tali mod li żieda b'numru sħiħ ta' skaluni minuri ta' prezz tkun daqs skaluna maġġuri ta' prezz.

11.   L-istabbilment taż-żieda qawwija fil-prezz għandha tfittex li tnaqqas, sa fejn ikun raġenevolment possibbli, it-tul tal-proċess ta' rkant. L-istabbilment tal-iskaluna minuri ta' prezz għandha tfittex li tnaqqas, sa fejn ikun raġenevolment possibbli, il-livell ta' kapaċità mhux mibjugħa fejn l-irkant jagħlaq bi prezz ogħla mill-prezz ta' riżerva.

12.   Jekk id-domanda aggregata tal-utenti tan-netwerk kollha tkun daqs il-kapaċità offruta jew inqas minnha fi tmiem l-ewwel sessjoni ta' offerti, l-irkant għandu jagħlaq.

13.   Jekk id-domanda aggregata tal-utenti tan-netwerk kollha tkun akbar mill-kapaċità offruta fi tmiem l-ewwel sessjoni ta' offerti jew sessjoni ta' offerti sussegwenti, għandha tinfetaħ sessjoni ta' offerti oħra bi prezz li jkun daqs il-prezz fis-sessjoni ta' offerti preċedenti, flimkien maż-żieda qawwija fil-prezz.

14.   Jekk id-domanda aggregata tal-utenti tan-netwerk kollha tkun daqs il-kapaċità offruta jew inqas minnha fi tmiem it-tieni sessjoni ta' offerti jew sessjoni ta' offerti sussegwenti, l-irkant għandu jagħlaq.

15.   Jekk għall-ewwel darba jkun hemm bejgħ eċċessivament taħt il-prezz, għandu jkun hemm tnaqqis fil-prezz u għandha tinfetaħ sessjoni ta' offerti oħra. Is-sessjoni ta' offerti oħra jkollha prezz li jkun daqs il-prezz applikabbli fis-sessjoni tal-offerti li tippreċedi l-ewwel bejgħ eċċessivament taħt il-prezz, flimkien mal-iskaluna minuri ta' prezz. Suċċessivament għandhom jinfetħu sessjonijiet ta' offerti oħra b'inkrimenti ta' żieda żgħira fil-prezz sakemm id-domanda tal-utenti tan-netwerk kollha tkun daqs il-kapaċità offruta jew inqas minnha, f'liema punt l-irkant għandu jagħlaq.

16.   L-offerta ta' volum għal kull utent ta' netwerk fis-sessjonijiet kollha ta' offerti fejn jiġu applikati skaluni minuri ta' prezz għandha tkun daqs l-offerta ta' volum jew inqas minnha li jkun għamel l-utent tan-netwerk fis-sessjoni ta' offerti li tkun ippreċediet l-ewwel bejgħ eċċessivament taħt il-prezz. L-offerta ta' volum għal kull utent tan-netwerk għal skaluna minuri ta' prezz speċifika għandha tkun ugwali għall-offerta ta' volum li jagħmel l-utent tan-netwerk fis-sessjoni ta' offerti preċedenti ta' skaluni minuri ta' prezz, jew inkella tkun iżgħar minnha. L-offerta ta' volum għal kull utent ta' netwerk f'kull sessjoni ta' offerti fejn jiġu applikati skaluni minuri ta' prezz għandha tkun daqs l-offerta ta' volum jew aktar minnha li jkun għamel l-utent tan-netwerk matul is-sessjoni ta' offerti li tkun ippreċediet l-ewwel sottokwotazzjoni.

17.   Jekk id-domanda aggregata tal-utenti tan-netwerk kollha tkun akbar mill-kapaċità offruta fis-sessjoni ta' offerti bi prezz li jkun daqs dak li wassal għall-ewwel sottokwotazzjoni, mingħajr skaluna minuri ta' prezz waħda, l-irkant għandu jagħlaq. Il-prezz ta' approvazzjoni għandu jkun il-prezz li wassal għall-ewwel bejgħ eċċessivament taħt il-prezz u l-offerti suċċessivi għandhom ikunu dawk sottomessi matul is-sessjoni ta' offerti oriġinali fejn sar l-ewwel bejgħ eċċessivament taħt il-prezz.

18.   Wara kull sessjoni ta' offerti, id-domanda tal-utenti tan-netwerk kollha fi rkant speċifiku għandha tiġi ppubblikata malajr kemm jista' jkun f'forma aggregata.

19.   Il-prezz imħabbar għall-aħħar sessjoni ta' offerti fejn jagħlaq l-irkant, għandu jitqies bħala l-prezz ta' approvazzjoni tal-irkant speċifiku, ħlief fil-każijiet fejn japplika l-paragrafu 17.

20.   L-utenti tan-netwerk kollha li jkunu għamlu offerti ta' volum validi bil-prezz ta' approvazzjoni għandhom jingħataw il-kapaċità skont l-offerti ta' volum tagħhom bil-prezz ta' approvazzjoni. Fejn tiġi offruta kapaċità inkrementali, l-allokazzjoni tal-kapaċità inkrementali għandha tkun soġġetta għall-eżitu tat-test ekonomiku skont l-Artikolu 22. L-utenti tan-netwerk li jiksbu suċċess għandhom iħallsu l-prezz ta' approvazzjoni tal-irkant speċifiku, li jista' jkun approċċ ta' prezz pagabbli fiss jew varjabbli kif stabbilit fl-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2017/460, u kwalunkwe spejjeż oħra possibbli li jkunu applikabbli meta tkun tista' tintuża l-kapaċità allokata lilhom.

21.   Wara kull irkant magħluq, ir-riżultat finali tal-irkant inkluż l-aggregazzjoni tal-kapaċitajiet allokati u l-prezz ta' approvazzjoni għandhom jiġu ppubblikati. L-utenti tan-netwerk b'suċċess għandhom jiġu infurmati dwar l-ammont ta' kapaċitajiet li ġew allokati lilhom; l-informazzjoni individwali għandha tintbagħat biss lill-partijiet ikkonċernati. Meta tiġi allokata kapaċità inkrementali, dan il-paragrafu għandu japplika biss għar-riżultati tal-irkant tal-livell ta' offerta li joffri l-ogħla ammont ta' kapaċità li rriżulta f'test ekonomiku b'eżitu pożittiv skont l-Artikolu 22(3).

22.   Jekk irkant b'arloġġ li jgħolli l-prezz ma jkunx spiċċa sal-punt tal-bidu skedat (skont il-kalendarju tal-irkant) tal-irkant li jmiss għal kapaċità li tkopri l-istess perjodu, l-ewwel irkant għandu jagħlaq u ma għandha tiġi allokata l-ebda kapaċità. Il-kapaċità għandha tiġi offruta fl-irkant relevanti li jmiss.

Artikolu 18

Algoritmu ta' rkant bi prezz uniformi

1.   Fi rkant ta' prezz uniformi, issir sessjoni ta' offerti waħda, li fiha l-utent tan-netwerk joffri prezz kif ukoll kwantità.

2.   Matul is-sessjoni ta' offerti ta' rkant partikolari, l-utenti tan-netwerk jistgħu jissottomettu sa 10 offerti. Kull offerta għandha tiġi ttrattata b'mod indipendenti minn offerti oħra. Wara l-għeluq tas-sessjoni ta' offerti, l-offerti li jifdal ma jistgħux jiġu modifikati jew irtirati.

3.   Offerta għandha tispeċifika:

(a)

l-identità tal-utent tan-netwerk li jkun qiegħed japplika;

(b)

Offerta għandha tispeċifika:

(c)

il-prodott ta' kapaċità standard li għalih tkun saret l-applikazzjoni għall-kapaċità;

(d)

l-ammont ta' kapaċità għall-prodott ta' kapaċità standard rispettiv li tkun saret l-applikazzjoni għalih, li għandu jkun ugwali għal jew iżgħar mill-kapaċità offruta fi rkant speċifiku;

(e)

l-ammont minimu ta' kapaċità għall-prodott ta' kapaċità standard rispettiv li l-utent tan-netwerk ikun lest li jiġi allokat skont l-algoritmu rilevanti f'każ li l-Utent tan-netwerk ma jkunx ġie allokat l-ammont mitlub skont il-punt (d);

(f)

il-prezzijiet tal-offerti, li ma għandhomx ikunu inqas mill-prezz ta' riżerva applikabbli għall-prodott ta' kapaċità standard relevanti, li l-utent tan-netwerk ikun lest li jħallas fir-rigward tal-kapaċità li jkun għamel applikazzjoni għaliha. L-offerti bi prezz ta' offerta taħt il-prezz ta' riżerva ma għandhomx jiġu aċċettati.

4.   L-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni għandu jikklassifika l-offerti kollha relatati ma' prodott ta' kapaċità standard partikolari skont il-prezz ta' offerta tagħhom, bl-ogħla prezz jiġi kklassifikat l-ewwel.

5.   L-offerti kollha li jifdal fil-ħin tal-għeluq tas-sessjoni ta' offerti għandhom jitqiesu bħala vinkolanti fuq dawk l-utenti tan-netwerk li jkunu tal-inqas ġew allokati l-ammont minimu ta' kapaċità mitluba skont il-punt (e) tal-paragrafu 3.

6.   Wara l-klassifikazzjoni tal-offerti skont il-paragrafu 4, u suġġett għall-paragrafu 7 sa 10, l-offerti għandhom jiġu allokati kapaċità skont il-funzjoni tal-klassifikazzjoni ta' prezzhom. L-offerti kollha li għalihom tiġi allokata kapaċità għandhom jitqiesu bħala ta' suċċess. Wara l-allokazzjoni tal-kapaċità, il-kapaċità mhux allokata li jifdal għandha titnaqqas b'dik il-kwantità.

7.   Wara l-applikazzjoni tal-paragafu 6 u suġġett għall-paragrafu 9, fejn l-ammont tal-offerta ta' kapaċità minn utent tan-netwerk tkun aktar mill-kapaċità mhux allokata li jifdal (wara li l-kapaċità tkun ġiet allokata lill-utenti tan-netwerk li jkunu għamlu l-ogħla offerti), dan l-utent tan-netwerk għandu jiġi allokat kapaċità li tkun daqs il-kapaċità mhux allokata li jkun jifdal.

8.   Wara l-applikazzjoni tal-paragrafu 7 u soġġett għall-paragrafu 9, meta kull waħda minn żewġ offerti jew aktar tkun tispeċifika l-istess prezz ta' offerta, u l-ammont ta' kapaċità relevanti li jifdal li tkun saret applikazzjoni għaliha b'mod aggregat taħt dawn l-offerti tkun aktar mill-ammont mhux allokat li jifdal, l-ammont mhux allokat li jifdal għandu jiġi allokat prorata għall-ammonti li tkun saret applikazzjoni għalihom f'kull waħda minn dawn l-offerti.

9.   Fejn l-ammont li għandu jiġi allokat fir-rigward ta' offerta konformi mal-paragrafi 6, 7 jew 8 ikun inqas mill-ammont minimu ta' kapaċità skont il-punt (e) tal-paragrafu 3, l-offerta għandha titqies bħala li ma rnexxietx, u għandha ssir allokazzjoni riveduta bejn l-offerta/i li jifdal bi prezz indaqs skont il-paragrafu 8, jew issir allokazzjoni fir-rigward tal-offerta bil-prezz li jmiss, skont il-paragrafu 6.

10.   Meta l-ammont li jifdal li għandu jiġi allokat fir-rigward ta' kwalunkwe offerta konformi mal-paragrafi 6, 7, 8, jew 9 ikun daqs żero, ma għandha tiġi allokata l-ebda kapaċità ulterjuri għall-offerti li jifdal. Dawn l-offerti għandhom jitqiesu mingħajr suċċess.

11.   Il-prezz ta' approvazzjoni għandu jiġi ddefinit bħala l-prezz tal-offerta b'suċċess l-aktar baxxa, jekk id-domanda tkun taqbeż l-offerta tal-prezz ta' riżerva. Fil-każijiet l-oħrajn kollha, il-prezz ta' approvazzjoni għandu jkun daqs il-prezz ta' riżerva. L-utenti tan-netwerk li jiksbu suċċess għandhom iħallsu l-prezz ta' approvazzjoni tal-irkant speċifiku, li jista' jkun approċċ ta' prezz pagabbli fiss jew varjabbli kif stabbilit fl-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2017/460 u kwalunkwe spejjeż oħra possibbli li jkunu applikabbli meta tkun tista' tintuża l-kapaċità allokata lilhom.

KAPITOLU IV

IR-RAGGRUPPAMENT TAL-KAPAĊITÀ FIL-PUNTI TA' INTERKONNESSJONI

Artikolu 19

Prodotti ta' kapaċità raggruppata

L-operaturi kontigwi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom joffru b'mod konġunt prodotti ta' kapaċità raggruppata, skont il-prinċipji li ġejjin:

1.

fuq iż-żewġ naħat tal-punt ta' interkonnessjoni, il-kapaċità kostanti kollha għandha tiġi offruta bħala kapaċità raggruppata, sa fejn ikun hemm disponibbli kapaċità kostanti jew inkrementali fuq iż-żewġ naħat tal-punt ta' interkonnessjoni;

2.

l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni għandhom joffru kapaċità għall-prodott ta' kapaċità standard relevanti fuq pjattaforma ta' prenotazzjoni, skont l-Artikolu 37 u skont il-proċedura ta' allokazzjoni applikabbli, kif stabbilit fil-Kapitolu III;

3.

il-kapaċità raggruppata li għandha tiġi offruta mill-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni kkonċernati f'punt ta' interkonnessjoni għandha tiġi kuntrattata permezz ta' proċedura ta' allokazzjoni unika;

4.

l-utenti tan-netwerk għandhom jikkonformaw mat-termini u l-kundizzjonijiet applikabbli tal-kuntratt(i) ta' kapaċità tal-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni kkonċernati sa minn meta tiġi kkuntrattata l-kapaċità tat-trasport;

5.

meta jkun hemm disponibbli aktar kapaċità kostanti fuq naħa waħda tal-punt ta' interkonnessjoni milli fuq in-naħa l-oħra għal kwalunkwe perjodu kkunsidrat, l-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni bl-aktar kapaċità kostanti disponibbli jista' joffri din il-kapaċità eċċessiva lill-utenti tan-netwerk bħala prodott mhux raggruppat skont il-kalendarju tal-irkanti u r-regoli li ġejjin:

(a)

fejn ikun hemm kuntratt eżistenti ta' trasport mhux raggruppat fuq in-naħa l-oħra tal-punt ta' interkonnessjoni, tista' tiġi offruta kapaċità fuq bażi mhux raggruppata li ma tkunx aktar mill-ammont u t-tul tal-kuntratt ta' kapaċità tat-trasport eżistenti fuq in-naħa l-oħra;

(b)

fejn din il-kapaċità żejda ma taqax taħt il-punt (a) tal-paragrafu 5, din tista' tiġi offruta għal perjodu massimu ta' sena;

6.

kwalunkwe kapaċità mhux raggruppata allokata skont il-paragrafu 5 tista' tintuża u tiġi nnominata bħala tali. Tista' wkoll tiġi nnegozjata fis-suq sekondarju;

7.

l-operaturi kontigwi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jistabbilixxu proċedura ta' nomina konġunta għall-kapaċità raggruppata, li tipprovdi lill-utenti tan-netwerk b'mezzi biex jinnominaw il-flussi tal-kapaċità magħquda tagħhom permezz ta' nomina unika;

8.

l-obbligi li tiġi offruta kapaċità raggruppata japplikaw ukoll, sal-punt li jkunu relevanti għas-swieq ta' kapaċità sekondarji. Mingħajr ħsara għall-paragrafu 1, il-kapaċità allokata oriġinalment bħala kapaċità raggruppata tista' tinbiegħ biss bħala kapaċità raggruppata fis-suq sekondarju;

9.

fejn żewġ punti ta' interkonnessjoni jew aktar jgħaqqdu l-istess żewġ sistemi kontigwi ta' dħul u ħruġ, l-operaturi kontigwi tas-sistema ta' trażmissjoni kkonċernati għandhom joffru l-kapaċitajiet disponibbli fil-punti ta' interkonnessjoni f'punt ta' interkonnessjoni virtwali wieħed. F'każ li jkunu involuti aktar minn żewġ operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni peress li l-kapaċità f'sistema ta' dħul u ħruġ jew fiż-żewġ sistemi tkun mmarkata minn aktar minn operatur tas-sistema ta' trażmissjoni wieħed, il-punt ta' interkonnessjoni virtwali għandu jinkludi kull wieħed minn dawn l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni, sal-limitu possibbli. Fil-każijiet kollha għandu jiġi stabbilit punt ta' interkonnessjoni virtwali biss jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-kapaċità teknika totali fil-punti ta' interkonnessjoni virtwali tkun daqs jew ogħla mis-somma tal-kapaċitajiet tekniċi f'kull wieħed mill-punti ta' interkonnessjoni li jikkontribwixxu għall-punti ta' interkonnessjoni virtwali;

(b)

il-punti ta' interkonnessjoni virtwali jiffaċilitaw l-użu ekonomiku u effiċjenti tas-sistema, inkluż iżda mhux limitat għar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009.

L-operaturi kontigwi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jibdew l-analiżi meħtieġa, u għandhom jistabbilixxu punti ta' interkonnessjoni virtwali funzjonali sa mhux aktar tard mill-1 ta' Novembru 2018.

Artikolu 20

Allinjament tat-termini u l-kundizzjonijiet ewlenin għal prodotti ta' kapaċità raggruppata

1.   Qabel is-6 ta' Jannar 2018, l-ENTSOG, wara konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, għandu joħloq katalogu tat-termini u l-kundizzjonijiet ewlenin fil-kuntratt(i) ta' trasport tal-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni għal prodotti ta' kapaċità raggruppata. L-ENTSOG għandu janalizza l-kuntratti eżistenti ta' trasport, u jidentifika u jikkategorizza d-differenzi fir-rigward tat-termini u l-kundizzjonijiet ewlenin, kif ukoll ir-raġunijiet għal dawn id-differenzi, u jippubblika l-konklużjonijiet tiegħu f'rapport.

2.   Fuq il-bażi tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 1, l-ENTSOG, wara li jikkonsulta lill-partijiet ikkonċernati għandu, fi żmien 6 xhur wara l-pubblikazzjoni tar-rapport, jiżviluppa u jippubblika mudell għat-termini u l-kundizzjonijiet ewlenin li jkopri d-dispożizzjoni kuntrattwali li mhumiex affettwati minn differenzi fundamentali fil-prinċipji tad-dritt jew tal-ġurisprudenza nazzjonali, għall-offerta ta' prodotti ta' kapaċità raggruppata.

3.   Filwaqt li tikkunsidra b'mod xieraq l-opinjonijiet tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, l-Aġenzija għandha tagħti opinjoni dwar il-mudell għat-termini u l-kundizzjonijiet ewlenin fi żmien perjodu ieħor ta' tliet xhur. Wara li jqis l-opinjoni maħruġa mill-Aġenzija, l-ENTSOG għandu jippubblika l-mudell finali għat-termini u l-kundizzjonijiet ewlenin fuq is-sit web tiegħu mhux aktar tard minn tliet xhur wara l-wasla tal-opinjoni tal-Aġenzija.

4.   Wara li jiġi ppubblikat il-mudell finali għat-termini u l-kundizzjonijiet ewlenin, l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni, soġġett għall-approvazzjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali, jistgħu japplikaw it-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-mudell fil-każ ta' prodotti ta' kapaċità raggruppata li jkunu qed isiru taħt kuntratti ġodda.

Artikolu 21

Raggruppament fil-każ ta' kuntratti eżistenti ta' trasport

1.   L-utenti tan-netwerk li huma partijiet għal kuntratti mhux raggruppati ta' trasport f'punti ta' interkonnessjoni rispettivi għandhom jimmiraw li jilħqu ftehim dwar ir-raggruppament tal-kapaċità permezz ta' arranġamenti kuntrattwali (“arranġamenti ta' raggruppament”), bi qbil mad-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 19. Dawk l-utenti tan-netwerk u l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni għandhom jirrappurtaw lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali relevanti l-arranġamenti kuntrattwali kollha milħuqa mill-partijiet kollha għall-kuntratti ta' trasport eżistenti.

2.   L-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni li huma partijiet għall-kuntratti eżistenti ta' trasport jistgħu jieħdu sehem fid-diskussjonijiet dwar l-arranġament ta' raggruppament f'kull ħin, fuq stedina mill-utenti tan-netwerk li huma partijiet għall-kuntratti eżisenti ta' trasport.

3.   Mill-1 ta' Jannar 2018, l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni għandhom joffru lill-utenti tan-netwerk b'kapaċità mhux raggruppata assimetrika fuq naħa waħda ta' punt ta' interkonnessjoni b'servizz ta' konverżjoni tal-kapaċità mingħajr ħlas. Servizz ta' konverżjoni tal-kapaċità ta' dan it-tip għandu japplika għal prodotti ta' kapaċità annwali, trimestrali jew ta' kull xahar għal kapaċità kostanti raggruppata f'dak il-punt ta' interkonnessjoni li l-utent tan-netwerk kellu jakkwiżixxi minħabba li tkun ġiet offruta kapaċità insuffiċenti mhux raggruppata fuq in-naħa l-oħra tal-punt ta' interkonnessjoni minn operatur kontigwu tas-sistema ta' trażmissjoni. Dan is-servizz għandu jiġi offrut fuq bażi nondiskriminatorja u għandu jevita li jiġu applikati tariffi addizzjonali għall-utenti tan-netwerk għall-kapaċità li diġà tinsab fil-pussess tagħhom. B'mod partikolari, il-ħlasijiet għall-parti tal-kapaċità raggruppata kkuntrattata li diġà tinsab fil-pussess tal-utenti tan-netwerk bħala kapaċità mhux raggruppata assimetrika għandhom ikunu limitati għal primjum possibbli tal-irkant. Dan is-servizz għandu jkun ibbażat fuq il-mudell ta' konverżjoni li qed jiġi żviluppat mill-ENTSOG u li għandu jiġi finalizzat sa mhux aktar tard mill-1 ta' Ottubru 2017 wara konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati u mal-Aġenzija. L-implimentazzjoni tista' tiġi faċilitata permezz tal-pjattaformi ta' prenotazzjoni tal-kapaċità msemmija fl-Artikolu 37. L-użu ta' dan is-servizz għandu jiġi rrappurtat lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali rispettivi fuq bażi annwali.

4.   Meta jintlaħaq arranġament ta' raggruppament bejn utenti tan-netwerk rispettivi, l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni involuti fil-punt ta' interkonnessjoni għandhom jiġu infurmati mill-partijiet dwar dan l-arranġament ta' raggruppament maħsub mingħajr dewmien żejjed, filwaqt li għandu jiġi implimentat it-trasferiment tal-kapaċità kkonċernata. Fi kwalunkwe każ, l-arranġament ta' raggruppament għandu jiġi implimentat, skont it-termini u l-kundizzjonijiet applikabbli tal-kuntratti ta' trasport relatati eżistenti. Ladarba jiġi implimentat l-arraġament ta' raggruppament, il-kapaċità relevanti għandha tiġi ttrattata bħala kapaċità raggruppata.

5.   Fi kwalunkwe każ, it-tul tal-arranġamenti ta' raggruppament li jirrigwardaw il-kapaċità raggruppata taħt l-emenda tal-kuntratti eżistenti ma għandux jaqbeż it-tul tal-kuntratti ta' trasport oriġinali.

6.   Il-kapaċità kollha għandha tiġi raggruppata malli dan ikun possibbli. Il-kuntratti eżistenti ta' trasport għal kapaċità mhux raggruppata ma jistgħux jiġġeddu, jittawlu jew jiġu estiżi wara d-data ta' skadenza. Din il-kapaċità għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni mid-data tal-iskadenza tal-kuntratti tat-trasport.

KAPITOLU V

PROĊESS TA' KAPAĊITÀ INKREMENTALI

Artikolu 22

Test ekonomiku

1.   It-test ekonomiku stipulat f'dan l-Artikolu għandu jitwettaq mill-operatur(i) tas-sistema ta' trażmissjoni jew mill-awtorità regolatorja nazzjonali, skont kif deċiż mill-awtorità regolatorja nazzjonali, għal kull livell ta' offerta ta' proġett ta' kapaċità inkrementali wara li l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni involuti jkunu kisbu impenji vinkolanti ta' utenti tan-netwerk għall-kapaċità ta' kuntrattar. Dan għandu jikkonsisti fil-parametri li ġejjin:

(a)

il-valur attwali ta' impenji vinkolanti ta' utenti tan-netwerk għall-kapaċità ta' kuntrattar, li jiġi kkalkulat bħala l-ammont skontat tal-parametri li ġejjin:

(i)

l-ammont totali tal-prezzijiet rispettivi ta' referenza stmati u primjum potenzjali tal-irkant u primjum minimu potenzjali obbligatorju, immultiplikat bl-ammont ta' kapaċità inkrementali kuntrattata;

(ii)

l-ammont totali ta' primjum potenzjali tal-irkant u primjum minimu potenzjali obbligatorju, immultiplikat bl-ammont ta' kapaċità disponibbli li ġie kuntrattat flimkien mal-kapaċità inkrementali;

(b)

il-valur attwali taż-żieda stmata fid-dħul permess jew fid-dħul fil-mira tal-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni assoċjat mal-kapaċità inkrementali inkluż fil-livell ta' offerta rispettiv, kif approvat mill-awtorità regolatorja nazzjonali relevanti f'konformità mal-Artikolu 28(2);

(c)

il-fattur-f.

2.   L-eżitu tal-applikazzjoni tat-test ekonomiku għandu jkun:

(a)

pożittiv, jekk l-valur tal-parametru stabbilit fil-paragrafu 1(a) ikun mill-inqas daqs is-sehem tal-parametru stabbilit fil-paragrafu 1(b) kif definit mill-fattur-f;

(b)

negattiv, jekk il-valur tal-parametru stabbilit fil-paragrafu 1(a) ikun inqas mis-sehem tal-parametru stabbilit fil-paragrafu 1(b) kif definit mill-fattur-f.

3.   Għandu jinbeda proġett ta' kapaċità inkrementali jekk it-test ekonomiku jkollu eżitu pożittiv fuq iż-żewġ naħat ta' punt ta' interkonnessjoni għal mill-inqas livell wieħed ta' offerta li jinkludi l-kapaċità inkrementali. F'każ li aktar minn offerta waħda tirriżulta f'test ekonomiku b'eżitu pożittiv, il-livell ta' offerta bl-akbar ammont ta' kapaċità li jirriżulta f'riżultat pożittiv għandu jintuża biex il-proġett ta' kapaċità inkrementali jintuża għat-tkomplija lejn il-kummissjonar tal-proġetti. F'każ li ebda livell ta' offerta ma jirriżulta f'eżitu pożittiv, il-proċess speċifiku ta' kapaċità inkrementali għandu jintemm.

Artikolu 23

Il-fattur-f

1.   Meta jiġi applikat it-test ekonomiku msemmi fl-Artikolu 22, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tistabbilixxi l-livell tal-fattur-f għal livell ta' offerta partikolari, filwaqt li jitqies dan li ġej:

(a)

l-ammont tal-kapaċità teknika mwarrba skont l-Artikolu 8(8) u (9);

(b)

l-esternalitajiet pożittivi tal-proġett ta' kapaċità inkrementali fuq is-suq jew fuq in-netwerk ta' trażmissjoni, jew fuq it-tnejn li huma;

(c)

it-tul tal-impenji vinkolanti ta' utenti tan-netwerk għall-kapaċità ta' kuntrattar meta mqabbel mal-ħajja ekonomika tal-assi;

(d)

sa fejn id-domanda għall-kapaċità stabbilita fil-proġett ta' kapaċità inkrementali tista' tkun mistennija li tissokta wara li jintemm il-perjodu ta' żmien użat fit-test ekonomiku.

2.   Jekk it-test ekonomiku jkollu eżitu pożittiv, l-ispejjeż tal-investimenti assoċjati mal-kapaċità inkrementali għandhom jiġu riflessi f'żieda fid-dħul permess jew fil-mira skont ir-regoli nazzjonali applikabbli.

Artikolu 24

Ġabra f'test ekonomiku waħdieni

1.   Sabiex l-offerta ta' prodotti ta' kapaċità raggruppata tiġi faċilitata, il-parametri ekonomiċi individwali tat-test tal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni involuti għal livell ta' offerta partikolari għandhom jiġu kkombinati f'test ekonomiku waħdieni.

2.   It-test ekonomiku waħdieni għandu jikkonsisti f'dawn il-parametri li ġejjin:

(a)

il-valur attwali tal-impenji vinkolanti ta' utenti tan-netwerk għal kapaċità ta' kuntrattar ta' kapaċità raggruppata, li huwa l-ammont totali tal-valuri skont l-Artikolu 22(1)(a), tal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni involuti;

(b)

l-ammont totali tal-valuri attwali individwali taż-żieda stmata fid-dħul permess jew fil-mira tal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni involuti u li jista' jiġi attribwit lill-kapaċità inkrementali ta' livell ta' offerta rispettiv;

(c)

il-fattur-f li jiddefinixxi s-sehem tal-parametru stabbilit fil-punt (b) li jeħtieġ li jiġi kopert mill-parametru stabbilit fil-punt (a) u li jippermetti li l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni kollha involuti jkopru l-ishma tagħhom rispettivi definiti minn qabel b'mod individwali.

3.   L-eżitu tal-applikazzjoni tat-test ekonomiku għandu jkun pożittiv meta t-testijiet ekonomiċi sottostanti kollha jirriżultaw f'eżiti pożittivi kif stabbilit fl-Artikolu 22(2)(a), filwaqt li titqies il-possibbiltà ta' distribuzzjoni mill-ġdid tad-dħul skont il-paragrafi 4 u 5. Jekk le, l-eżitu tal-applikazzjoni tat-test ekonomiku għandu jkun negattiv.

4.   F'każ li distribuzzjoni mill-ġdid tad-dħul tkun tista' potenzjalment twassal għal tnaqqis fil-livell ta' impenji vinkolanti ta' utenti tan-netwerk għall-kapaċità ta' kuntrattar meħtieġa għal eżitu pożittiv f'test ekonomiku waħdieni, l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni jistgħu jippreżentaw il-mekkaniżmi ta' distribuzzjoni mill-ġdid tad-dħul minn kapaċità inkrementali lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali relevanti għal approvazzjonijiet ikkoordinati.

5.   Distribuzzjoni mill-ġdid tad-dħul tista' titwettaq kif ġej:

(a)

waqt il-proċess tal-integrazzjoni tal-parametri ekonomiċi individwali tat-test f'test ekonomiku waħdieni;

(b)

f'każ li t-test ekonomiku waħdieni jirriżulta f'eżitu negattiv filwaqt li fl-istess ħin il-livell ta' impenn vinkolanti ta' utenti tan-netwerk għal kapaċità ta' kuntrattar jaqbeż il-minimu meħtieġ biex jiġi kopert il-valur attwali taż-żieda fid-dħul permess jew fil-mira għal mill-inqas wieħed mill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni involuti.

Artikolu 25

Rekwiżiti ta' pubblikazzjoni relatati mat-test ekonomiku

1.   Għal proġett partikolari ta' kapaċità inkrementali, għal kull offerta l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni għandhom jippreżentaw l-informazzjoni li ġejja lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali relevanti għall-approvazzjoni:

(a)

il-prezzijiet ta' referenza stmati għall-perjodu ta' żmien tal-offerta inizjali tal-kapaċità inkrementali li jintużaw għall-kalkolu tal-parametru stabbilit fl-Artikolu 22(1)(a) u 24(2)(a), rispettivament f'każ li jiġi applikat test ekonomiku waħdieni jew separat;

(b)

il-parametri stabbiliti fl-Artikolu 22(1)(b) sa (c) u 24(2)(b) sa (c), rispettivament f'każ li jiġi applikat test ekonomiku waħdieni jew separat;

(c)

jekk tkun applikabbli, il-medda tal-livell għall-primjum minimu obbligatorju msemmi fl-Artikolu 33(4) tar-Regolament (UE) 2017/460 għal kull livell ta' offerta u punt ta' interkonnessjoni applikat fl-ewwel irkant u possibbilment fi rkanti oħra sussegwenti li fihom tiġi offruta kapaċità inkrementali kif definit fl-Artikolu 33(3) tar-Regolament (UE) 2017/460.

2.   Wara l-approvazzjoni tal-awtorità(jiet) regolatorji nazzjonali, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi ppubblikata mill-operatur(i) tas-sistema ta' trażmissjoni involut(i) kif imsemmi fl-Artikolu 28(3).

Artikolu 26

Valutazzjoni tad-domanda tas-suq

1.   Eżatt wara li jkun beda l-irkant annwali ta' kapaċità ta' kull sena mill-inqas f'kull sena farrada, l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni għandhom jikkooperaw fil-proċessi tal-valutazzjoni tad-domanda tas-suq għall-kapaċità inkrementali u fit-twettiq ta' studji tekniċi għal proġetti relatati mal-kapaċità inkrementali għall-punti konġunti tagħhom ta' interkonnessjoni. L-ewwel valutazzjoni tad-domanda għandha titwettaq fl-2017 sa mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

2.   Mhux aktar tard minn 8 ġimgħat wara li jkun beda l-irkant annwali ta' kapaċità ta' kull sena mill-inqas f'kull sena farrada, l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni kkonċernati fuq kull naħa ta' fruntiera ta' sistema ta' dħul u ħruġ għandhom jipproduċu rapporti komuni ta' valutazzjoni tad-domanda tas-suq, b'kull wieħed minnhom ikopri l-punti kollha ta' interkonnessjoni ta' mill-inqas fruntiera waħda ta' sistema ta' dħul u ħruġ. Ir-rapport ta' valutazzjoni tas-suq għandu jevalwa d-domanda prospettiva għall-kapaċità inkrementali tal-utenti kollha tan-netwerk skont il-paragrafu 8 u għandu jiddikjara jekk proġett ta' kapaċità inkrementali jkunux inbeda.

3.   Ir-rapport ta' valutazzjoni tad-domanda tas-suq għandu jiġi ppubblikat f'lingwa uffiċjali waħda jew aktar tal-Istat Membru u, sa fejn possibbli, bl-Ingliż fuq is-siti web tal-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni ikkonċernati sa mhux aktar tard minn 16-il ġimgħa wara li jkun beda l-irkant annwali ta' kapaċità ta' kull sena mill-inqas f'kull sena farrada.

4.   L-ENTSOG għandu jikkoordina u jassisti t-tlestija tar-rapporti ta' valutazzjoni tad-domanda, inkluż billi jipprovdi mudell standard u permezz tal-pubblikazzjoni tar-rapporti fuq is-sit web tal-ENTSOG.

5.   Jekk id-domanda għal kapaċità inkrementali tiġi espressa minn utenti tan-netwerk mhux aktar tard minn 8 ġimgħat wara l-bidu tal-irkant annwali ta' kull sena fi snin mhux farrada, l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni kkonċernati jistgħu jaqblu li jwettqu valutazzjoni tad-domanda tas-suq fi snin mhux farrada, sakemm:

(a)

il-proċess stabbilit fl-Artikoli 26-30 jista' jiġi konkluż qabel il-bidu tal-perjodu li jkun imiss taċ-ċiklu ta' valutazzjoni tad-domanda msemmi fil-paragrafu 1, u

(b)

il-kalendarju tal-irkant jiġi rrispettat.

6.   Fil-valutazzjoni tad-domanda tas-suq li tkun qed issir, l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni għandhom jikkunsidraw indikazzjonijiet tad-domanda mhux vinkolanti sottomessi sa mhux aktar tard minn 8 ġimgħat wara l-bidu tal-irkant annwali ta' kull sena.

7.   Fil-valutazzjoni tad-domanda tas-suq li tkun qed issir, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni jistgħu jikkunsidraw indikazzjonijiet tad-domanda mhux vinkolanti ppreżentati wara l-iskadenza stabbilita fil-paragrafu 6, jew jintroduċuhom fil-valutazzjoni tad-domanda tas-suq li jkun imiss.

8.   L-indikazzjonijiet tad-domanda mhux vinkolanti msemmija fil-paragrafi 6 u 7 għandu jkun fihom mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

iż-żewġ sistemi jew aktar kontigwi ta' dħul u ħruġ li bejnhom id-domanda għal kapaċità inkrementali — fuq naħa waħda jew fuq iż-żewġ naħat ta' punt ta' interkonnessjoni — hija espressa u d-direzzjoni mitluba;

(b)

is-sena/snin tal-gass li għaliha/għalihom hija espressa kapaċità inkrementali;

(c)

l-ammont ta' kapaċità mitlub bejn is-sistemi rispettivi ta' dħul u ħruġ;

(d)

informazzjoni dwar l-indikazzjonijiet tad-domanda mhux vinkolanti li kienet ġiet jew li tkun se tiġi sottomessa lil operaturi oħra ta' sistemi ta' trażmissjoni, jekk dawn l-indikazzjonijiet ikunu relatati ma' xulxin, bħal pereżempju d-domanda għall-kapaċitajiet f'bosta punti ta' interkonnessjoni relatati;

9.   L-utenti tan-netwerk għandhom jindikaw jekk it-talba tagħhom hijiex soġġetta għal kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet b'rabta mal-punti (a) sa (d) tal-paragrafu 8.

10.   L-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni għandhom jirrispondu għall-indikazzjonijiet tad-domanda mhux vinkolanti fi żmien 16-il ġimgħa minn meta jibdew l-irkanti annwali ta' kull sena, jew fi żmien 8 ġimgħat minn meta jaslu l-indikazzjonijiet tad-domanda skont il-paragrafu 7. Ir-rispons għandu jipprovdi mill-anqas dan li ġej:

(a)

jekk it-talba indikata tistax titqies mill-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni fil-proċess li jkun għaddej; jew

(b)

jekk, fil-każ ta' indikazzjonijiet ta' domandi skont il-paragrafu 7, dawn humiex suffiċjenti biex jiġi kkunsidrat li jingħata bidu għal proċess ta' kapaċità inkrementali skont il-paragrafu 5; jew

(c)

f'liema rapport ta' valutazzjoni tad-domanda tas-suq, skont il-paragrafu 3, se tkun se tiġi vvalutata d-domanda indikata, sakemm id-domanda indikata ma tistax titqies skont il-punti (a) jew (b), li għandu jiġi ġġustifikat.

11.   Operatur ta' sistema ta' trażmissjoni jista' jitlob il-ħlas ta' tariffi għal attivitajiet li jirriżultaw mis-sottomissjoni ta' indikazzjonijiet tad-domanda mhux vinkolanti. Dawn it-tariffi għandhom jirriflettu l-ispejjeż amministrattivi għas-sottomissjoni ta' indikazzjonijiet tad-domanda, u għandhom ikunu soġġetti għal approvazzjoni mill-awtorità regolatorja nazzjonali u għandu jiġi ppubblikat fuq is-sit web tal-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni. It-tariffi għandhom jiġu rimborżati lill-utent tan-netwerk rispettiv jekk it-test ekonomiku għal mill-inqas livell wieħed ta' offerta li jinkludi l-kapaċità inkrementali fil-punt ta' interkonnessjoni rispettiv ikollu eżitu pożittiv.

12.   Ir-rapport ta' valutazzjoni tad-domanda tas-suq għandu jqis il-kriterji kollha li ġejjin:

(a)

jekk il-pjan ta' għaxar snin għall-iżvilupp tan-netwerk fl-Unjoni jidentifika nuqqas ta' kapaċità fiżika li minħabba fiha reġjun speċifiku jkollu nuqqas ta' provvista f'xenarju ta' quċċata raġonevoli u fejn l-offerta ta' kapaċità inkrementali fil-punt ta' interkonnessjoni inkwistjoni jista' jagħlaq id-distakk; jew pjan ta' żvilupp tan-netwerk nazzjonali jidentifika ħtieġa konkreta u sostnuta għat-trasport fiżiku;

(b)

jekk ma jkun hemm disponibbli l-ebda prodott ta' kapaċità standard li jgħaqqad żewġ sistemi kontigwi ta' dħul u ħruġ fl-irkant annwali ta' kapaċità ta' kull sena għas-sena li fiha l-kapaċità inkrementali tista' tiġi offruta għall-ewwel darba u fit-tliet snin sussegwenti, minħabba li l-kapaċità kollha tkun ġiet ikkuntrattata;

(c)

jekk l-utenti tan-netwerk ikunu ssottomettew indikazzjonijiet tad-domanda mhux vinkolanti li bihom jitolbu kapaċità inkrementali għal għadd sostnut ta' snin u l-mezzi ekonomikament effiċjenti kollha l-oħra għall-massimizzazzjoni tad-disponibbiltà tal-kapaċità eżistenti jkunu ġew eżawriti;

13.   Ir-rapport ta' valutazzjoni tad-domanda tas-suq għandu jinkludi mill-anqas dan li ġej:

(a)

konklużjoni dwar jekk għandux jinbeda proġett ta' kapaċità inkrementali;

(b)

l-indikazzjonijiet tad-domanda aggregata mhux vinkolanti li jaslu sa mhux aktar tard minn 8 ġimgħat wara li jkun beda l-irkant annwali ta' kapaċità ta' kull sena fis-sena tal-pubblikazzjoni tar-rapport ta' valutazzjoni tad-domanda rispettiv;

(c)

l-indikazzjonijiet tad-domanda aggregata mhux vinkolanti sottomessi wara l-iskadenza msemmija fil-paragrafu 6 qabel il-proċess ta' kapaċità inkrementali f'każ li dawn l-indikazzjonijiet tad-domanda ma jkunux ġew ikkunsidrati għall-valutazzjoni tad-domanda preċedenti;

(d)

l-indikazzjonijiet tad-domanda aggregata mhux vinkolanti sottomessi skont il-paragrafu 7 jekk l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni jkunu ddeċidew li jqisuhom itqiesu fil-valutazzjoni tad-domanda tas-suq li tkun qed issir;

(e)

valutazzjoni tal-ammont mistenni, u d-direzzjoni u t-tul mistennija tad-domanda għal kapaċità inkrementali fil-punti ta' interkonnessjoni ma' kull sistema ta' dħul u ta' ħruġ kontigwa jew ma' interkonnetturi kontigwi;

(f)

konklużjoni dwar jekk humiex se jitwettqu, u għal liema punti ta' interkonnessjoni u għal liema livell mistenni ta' domanda, studji tekniċi għal proġetti ta' kapaċità inkrementali;

(g)

skeda ta' żmien provviżorja għall-proġett ta' kapaċità inkrementali, għall-istudji tekniċi u għall-konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 27(3);

(h)

konklużjoni dwar liema tariffi, jekk ikun hemm, se jiġu introdotti, skont il-paragrafu 10;

(i)

it-tipi u, fejn disponibbli, id-daqs aggregat tal-indikazzjonijiet tad-domanda kondizzjonali skont il-paragrafu 9;

(j)

il-mod li bih l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni jkunu beħsiebhom japplikaw l-Artikolu 11(3) fir-rigward tal-limitazzjoni tan-numru ta' snin offruti fl-irkanti ta' kapaċità annwali ta' kull sena matul il-proċess inkrementali.

14.   L-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni u l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali relevanti għandhom jippubblikaw punti ta' kuntatt rispettivi għal proġetti ta' kapaċità inkrementali li jkunu nbdew meta jiġi ppubblikat ir-rapport ta' valutazzjoni tad-domanda tas-suq, u għandhom jaġġornaw din l-informazzjoni fuq bażi regolari matul il-proġett.

Artikolu 27

Fażi tad-disinn

1.   Il-jum wara l-pubblikazzjoni tar-rapport ta' valutazzjoni tad-domanda tas-suq għandha tibda' l-fażi tad-disinn, jekk ir-rapport ta' valutazzjoni tad-domanda jidentifika domanda għal proġetti ta' kapaċità inkrementali.

2.   L-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni attivi fil-punt ta' interkonnessjoni rispettiv għandhom iwettqu studji tekniċi dwar proġetti ta' kapaċità inkrementali sabiex jiddisinjaw il-proġett ta' kapaċità inkrementali u livelli tal-offerti koordinati bbażati fuq il-fattibbiltà teknika u r-rapporti ta' valutazzjoni tad-domanda tas-suq.

3.   Mhux aktar tard minn 12-il ġimgħa wara l-bidu tal-fażi tad-disinn, l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni kkonċernati għandhom iwettqu konsultazzjoni pubblika konġunta dwar l-abbozz ta' proposta għal proġett f'lingwa uffiċjali waħda jew aktar tal-Istat Membru u, sa fejn possibbli, bl-Ingliż, għal minimu ta' xahar u għal mhux aktar minn xahrejn. Dawn l-operaturi għandhom jieħdu l-passi kollha raġonevoli biex jiżguraw koordinazzjoni transkonfinali.

Il-ftehim għandu jkopri mill-inqas l-aspetti li ġejjin:

(a)

deskrizzjoni tal-proġett ta' kapaċità inkrementali, inkluż stima tal-ispejjeż;

(b)

il-livelli tal-offerti għal prodotti ta' kapaċità raggruppata fil-punt ta' interkonnessjoni;

(c)

fejn relevanti, abbażi tal-indikazzjonijiet tad-domanda kondizzjonali li jkunu waslu, il-mekkaniżmu ta' allokazzjoni alternattiv propost tal-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni, inkluż il-ġustifikazzjoni tiegħu;

(d)

l-iskedi ta' żmien provviżorji tal-proġett ta' kapaċità inkrementali;

(e)

ir-regoli u l-kundizzjonijiet ġenerali li l-utenti tan-netwerk għandhom jaċċettaw biex jipparteċipaw u biex jaċċessaw il-kapaċità fil-fażi tal-allokazzjoni tal-kapaċità vinkolanti tal-proċess ta' kapaċità inkrementali, inkluż kwalunkwe kollateral li għandu jiġi pprovdut minn utenti tan-netwerk u kif dewmien possibbli fl-għoti ta' kapaċità jew l-eventwalità ta' tfixkil fil-proġett jistgħu jiġu ttrattati fuq bażi kuntrattwali;

(f)

fejn approċċ ta' prezz fiss jiġi segwit għall-proġett ta' kapaċità inkrementali, l-elementi IND u RP deskritti fl-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2017/460;

(g)

il-livell ta' impenji tal-utenti, espress bħala stima tal-fattur-f kif applikat skont l-Artikolu 23, li jiġi propost u sussegwentement approvat mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kkonċernati wara li jkunu ġew ikkonsultati l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni;

(h)

kwalunkwe indikazzjonijiet tad-domanda kondizzjonali li jaslu skont l-Artikolu 26(7);

(i)

jekk il-kapaċità inkrementali x'aktarx li tirriżulta fi tnaqqis sostnut u sinifikanti fl-użu ta' infrastrutturi oħra tal-gass mhux deprezzati fl-istess sistemi kontigwi ta' dħul u ħruġ, jew fuq l-istess rotta tat-trasport tal-gass.

4.   Fil-proċess tad-disinn ta' livelli tal-offerti kkoordinati, l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni għandhom jikkooperaw mill-qrib mal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali involuti u jikkoordinaw bejn il-fruntieri sabiex ikunu jistgħu jsiru offerti ta' kapaċità inkrimentali bħala prodotti raggruppati. Il-proposta għal proġett u d-disinn ta' livelli tal-offerti kkoordinati għandhom iqisu r-riżultati tal-konsultazzjoni prevista fil-paragrafu 3.

Artikolu 28

Approvazzjoni u pubblikazzjoni

1.   Wara l-konsultazzjoni u l-finalizzazzjoni tal-fażi tad-disinn ta' proġett għal proġett ta' kapaċità inkrementali f'konformità mal-Artikolu 27, l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni involuti għandhom jippreżentaw il-proposta għal proġett ta' kapaċità inkrementali lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali relevanti għal approvazzjonijiet koordinati. Il-proposta għal proġett għandha wkoll tiġi ppubblikata mill-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni involuti f'lingwa uffiċjali waħda jew aktar tal-Istat Membru u, sa fejn possibbli, bl-Ingliż, u għandha tinkludi mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-livelli tal-offerti kollha, li jirriflettu l-firxa tad-domanda mistennija għall-kapaċità inkrementali fil-punti ta' interkonnessjoni relevanti bħala riżultat tal-proċessi msemmija fil-paragrafu 3 tal-Artikolu 27 u l-Artikolu 26;

(b)

ir-regoli u l-kundizzjonijiet ġenerali li l-utenti tan-netwerk għandhom jaċċettaw biex jipparteċipaw u biex jaċċessaw il-kapaċità fil-fażi tal-allokazzjoni tal-kapaċità vinkolanti tal-proċess ta' kapaċità inkrementali, inkluż kwalunkwe kollaterali li għandhom jiġu pprovduti minn utenti tan-netwerk u kif dewmien possibbli fl-għoti ta' kapaċità jew l-eventwalità ta' tfixkil fil-proġett jistgħu jiġu ttrattati fuq bażi kuntrattwali;

(c)

l-iskedi ta' żmien tal-proġett ta' kapaċità inkrementali, inklużi kwalunkwe bidliet minn meta tkun saret il-konsultazzjoni deskritta fil-paragrafu 3 tal-Artikolu 27, u miżuri għall-prevenzjoni ta' dewmien u għall-minimizzazzjoni tal-impatt ta' dewmien;

(d)

il-parametri definiti fl-Artikolu 22(1)

(e)

Jekk jista' jkun meħtieġ perjodu ta' żmien estiż b'mod eċċezzjonali għall-kapaċità ta' kuntrattar, għal perijodu addizzjonali ta' mhux iktar minn 5 snin wara l-allokazzjoni ta' massimu ta' 15-il sena wara l-bidu tal-użu operattiv, f'konformità mal-Artikolu 30;

(f)

fejn applikabbli, il-mekkaniżmu ta' allokazzjoni alternattiv propost, inkluż il-ġustifikazzjoni tiegħu skont l-Artikolu 30(2), kif ukoll il-kundizzjonijiet approvati mill-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni għall-fażi vinkolanti skont l-Artikolu 30(3)

(g)

fejn approċċ ta' prezz fiss jiġi segwit għall-proġett ta' kapaċità inkrementali, l-elementi deskritti fl-Artikolu 24(b) tar-Regolament (UE) 2017/460.

2.   Fi żmien sitt xhur minn meta l-aħħar waħda fost dawk l-awtoritajiet regolatorji tirċievi l-proposta sħiħa għall-proġett, l-istess awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jippubblikaw deċiżjonijiet koordinati dwar il-proposta għall-proġett definita fil-paragrafu 1 f'lingwa uffiċjali waħda jew aktar tal-Istat Membru u, sa fejn possibbli, bl-Ingliż. Id-deċiżjonijiet għandhom jinkludu ġustifikazzjonijiet. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jinfurmaw lil xulxin dwar il-wasla tal-proposta għal proġett u dwar il-kompletezza tagħha sabiex jiġi ddeterminat il-bidu tal-perjodu ta' sitt xhur.

Meta tħejji d-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali, kull awtorità regolatorja nazzjonali għandha tikkunsidra l-opinjonijiet tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali l-oħra involuti. Fi kwalunkwe każ, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom iqisu kwalunkwe effetti detrimentali fuq il-kompetizzjoni jew fuq il-funzjonament effettiv tas-suq intern tal-gass assoċjati mal-proġetti ta' kapaċità inkrementali kkonċernati.

Jekk xi awtorità regolatorja nazzjonali relevanti toġġezzjona għall-proposta għal proġett li tkun ġiet sottomessa, din għandha tinforma lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali involuti l-oħra kemm jista' jkun malajr. F'tali sitwazzjoni, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali involuti għandhom jieħdu l-passi raġonevoli kollha biex jaħdmu flimkien u jilħqu ftehim komuni.

Meta l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kompetenti ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim dwar il-mekkaniżmu ta' allokazzjoni alternattiv propost fi żmien il-perjodu ta' sitt xhur imsemmi fl-ewwel subparagrafu, l-Aġenzija għandha tieħu deċiżjoni dwar mekkaniżmu ta' allokazzjoni alternattiv għall-implimentazzjoni, skont il-proċess stabbilit fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 713/2009.

3.   Wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali skont il-paragrafu 2 u mhux aktar tard minn xahrejn qabel l-offerta tal-kapaċità inkrementali waqt l-irkant annwali ta' kapaċità ta' kull sena, l-operaturi tas-sistemi ta' trasmissjoni għandhom jippubblikaw avviż b'mod konġunt, f'lingwa uffiċjali waħda jew aktar tal-Istat Membru u, sa fejn possibbli, bl-Ingliż, li jinkludi l-informazzjoni minima li ġejja:

(a)

l-informazzjoni definita fil-paragrafu 1 kif approvata mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali;

(b)

mudell tal-kuntratt(i) relatat(i) mal-kapaċità offruta.

Artikolu 29

L-irkantar tal-kapaċità inkrementali

1.   Soġġett għat-tlestija tal-miżuri stipulati fl-Artikolu 27, l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni involuti għandhom joffru l-kapaċità inkrementali flimkien mal-kapaċità disponibbli rispettiva waqt l-irkant annwali ta' kapaċità ta' kull sena bħala prodotti standard raggruppati miġbura f'irkanti bi prezz axxendenti skont l-Artikolu 17 bħala regola u skont l-Artikolu 8(8) u (9) u l-Artikolu 19.

2.   L-irkanti għal-livelli tal-offerti rispettivi għandhom jitmexxew b'mod parallel u b'mod indipendenti minn xulxin f'konformità mal-Artikolu 17 u soġġett għall-Artikolu 8(2). Livelli tal-offerti koordinati biss jiġu rkantati.

3.   Sabiex jitnaqqsu kemm jista' jkun primjums possibbli tal-irkant u sabiex jinkiseb eżitu pożittiv fit-test ekonomiku għall-ogħla livell ta' offerta possibbli, jista' jingħata bidu għal irkant ieħor darba waħda, u biss jekk:

(a)

kien hemm mill-inqas żewġ livelli tal-offerti stabbiliti mill-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni qabel il-bidu tal-irkanti deskritti fil-paragrafu 2; u

(b)

tal-inqas offerta waħda ma rnexxietx u rriżultat f'test ekonomiku b'eżitu negattiv; u

(c)

l-iżgħar livell ta' offerta li jmiss tal-iżgħar livell ta' offerta li ma rnexxiex irriżulta f'test ekonomiku b'eżitu pożittiv, u ngħata primjum tal-irkant għal mill-inqas prodott wieħed ta' kapaċità standard ta' kull sena.

Jekk dawn il-kondizzjonijiet jiġu sodisfatti, jista' jinbeda l-irkant il-ġdid għall-iżgħar livell ta' offerta li ma rnexxiex imsemmi fil-punt (b).

4.   Jekk l-irkant il-ġdid ma jwassalx għal eżitu pożittiv fit-test ekonomiku, ir-riżultati ta' allokazzjoni tal-irkant oriġinali msemmija fil-punt (c) għandu jitqiesu bħala prevalenti skont l-Artikoli 17(20) u (21).

Artikolu 30

Il-prinċipji għal mekkaniżmi ta' allokazzjoni alternattivi

1.   Mekkaniżmu ta' allokazzjoni alternattiv ikopri massimu ta' 15-il sena wara l-bidu tal-użu operattiv. Jekk ma jkunx jista' jinkiseb eżitu pożittiv għat-test ekonomiku fuq il-bażi tal-prenotazzjonijiet ta' 15-il sena, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jestendu l-perjodu ta' żmien b'massimu ta' 5 snin oħra b'mod eċċezzjonali.

2.   Jista' jintuża mekkaniżmu ta' allokazzjoni alternattiv tal-kapaċità, soġġett għall-approvazzjoni tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, meta jkun jista' jiġi konkluż b'mod raġonevoli mir-rapporti ta' valutazzjoni tad-domanda tas-suq skont l-Artikolu 26 jew mill-konsultazzjoni definita fl-Artikolu 27(3) li l-irkant b'arloġġ li jgħolli l-prezz mhuwiex xieraq u li l-proġett ta' kapaċità inkrementali jissodisfa ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

li jinvolvi aktar minn żewġ sistemi ta' dħul u ħruġ u l-offerti jintalbu tul diversi punti ta' interkonnessjoni matul il-proċedura ta' allokazzjoni;

(b)

li jiġu mitluba offerti għal tul ta' żmien ta' aktar minn sena.

3.   F'mekkaniżmu ta' allokazzjoni alternattiv, l-utenti tan-netwerk jistgħu jissottomettu offerti vinkolanti kondizzjonali għal kapaċità ta' kuntrattar soġġett għal waħda jew iżjed minn dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin speċifikati mill-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni fil-proposta għal proġett skont l-Artikolu 28(1):

(a)

impenji li jorbtu jew li jeskludu impenji f'punti oħra ta' interkonnessjoni;

(b)

impenji għal diversi prodotti ta' kapaċità standard ta' kull sena f'punt ta' interkonnessjoni;

(c)

impenji li huma kondizzjonali skont l-allokazzjoni ta' ammont speċifiku jew minimu ta' kapaċità.

4.   Il-mekkaniżmu ta' allokazzjoni alternattiv huwa soġġett għal approvazzjonijiet mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kkonċernati skont l-Artikolu 28(2). Il-mekkaniżmu għandu jkun trasparenti u mhux diskriminatorju, iżda jista' jippermetti li ssir prijoritizzazzjoni tad-durata ta' prenotazzjonijiet jew offerti għal ammonti ogħla ta' kapaċità għal prodott ta' kapaċità standard ta' kull sena.

5.   Jekk id-durata tal-prenotazzjonijiet jew l-offerti għal ammonti ogħla ta' kapaċità jiġu prijoritizzati, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiddeċiedu dwar it-twarrib ta' ammont ta' mill-inqas 10 % u ta' mhux aktar minn 20 % tal-kapaċità teknika f'kull punt ta' interkonnessjoni meta jiġi applikat l-Artikolu 8(8). Il-kapaċità li tiġi mwarrba b'dan il-mod għandha jiġu offruta bi qbil mal-Artikolu 8(7).

Artikolu 31

Arranġamenti tranżitorji

Fil-każ ta' proġetti ta' kapaċità inkrementali mibdija qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, l-Artikoli 26 sa 30 għandhom japplikaw sakemm tali proġetti ma jkunux ingħataw l-approvazzjonijiet applikabbli għall-allokazzjoni tal-kapaċità mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali rispettivi qabel l-1 ta' Awwissu 2017.

KAPITOLU VI

KAPAĊITÀ INTERROMPIBBLI

Artikolu 32

Allokazzjoni ta' servizzi interrompibbli

1.   Mill-1 ta' Jannar 2018, l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni jistgħu joffru biss prodotti ta' kapaċità standard għall-kapaċità interrompibbli għal tul ta' żmien itwal minn jum jekk il-prodott korrispondenti ta' kapaċità standard ta' kull xahar, trimestrali jew ta' kull sena għall-kapaċità kostanti jkun inbiegħ bi primjum tal-irkant, jekk ikun inbiegħ kollu jew jekk ma kienx disponibbli.

2.   L-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni għandhom joffru prodott ta' kapaċità ta' kuljum għall-kapaċità interrompibbli fiż-żewġ direzzjonijiet f'punti ta' interkonnessjoni meta l-prodott ta' kapaċità standard rispettiv għall-kapaċità kostanti jkun inbiegħ kollu b'jum bil-quddiem jew jekk ma ġiex offrut. F'punti ta' interkonnessjoni unidirezzjonali fejn il-kapaċità kostanti tiġi offruta biss f'direzzjoni waħda, l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni għandhom joffru mill-inqas prodott ta' kuljum għall-kapaċità interrompibbli fid-direzzjoni l-oħra.

3.   Jekk tkun offruta kapaċità interrompibbli, din ma għandhiex tkun ta' detriment għall-ammont ta' kapaċità kostanti li tkun qiegħda tiġi offruta. L-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni ma għandhomx iwarrbu kapaċità li tista' tiġi offruta bħala kapaċità fissa sabiex joffruha bħala kapaċità interrompibbli.

4.   Sal-punt li jiġu offruti prodotti ta' kapaċità interrompibbli għajr prodotti ta' kuljum, l-istess prodotti standard ta' kapaċità għall-kapaċità fissa għandhom japplikaw għall-kapaċità interrompibbli, f'termini ta' tul ta' żmien tal-prodotti.

5.   Sal-punt li tiġi offruta kapaċità interrompibbli, għandha tiġi allokata permezz ta' proċess ta' rkant bl-eċċezzjoni ta' kapaċità interrompibbli matul l-istess jum.

6.   Il-kapaċità interrompibbli matul l-istess jum għandha tiġi allokata permezz ta' proċedura ta' nomini żejda.

7.   Il-kapaċità interrompibbli matul l-istess jum għandha tiġi allokata meta l-kapaċità kostanti, kemm jekk kapaċità teknika kif ukoll jekk kapaċità addizzjonali, tkun inbigħet kollha.

8.   Meta jiġu organizzati rkanti għal kwalunkwe prodott interrompibbli li jkunu itwal minn jum, l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni, jekk ikunu jafuhom, għandhom jippubblikaw l-ammonti ta' kapaċità interrompibbli li tkun qiegħda tiġi offruta qabel il-bidu tal-proċess ta' rkant.

9.   Jekk tkun offruta, il-kapaċità interrompibbli għandha tiġi allokata permezz ta' rkant separat wara li tkun ġiet allokata kapaċità kostanti ta' tul indaqs, iżda qabel ma jibda l-irkant ta' kapaċità kostanti b'tul iqsar, bl-eċċezzjoni tal-kapaċità interrompibbli matul l-istess jum.

10.   Jekk ikunu offruti, l-irkanti ta' kapaċità interrompibbli għandhom jitwettqu skont l-istess prinċipji ta' disinn u limiti ta' żmien kif applikat għall-kapaċità kostanti. Id-dati eżatti tal-irkanti li għandhom jintużaw għall-irkanti ta' kapaċità interrompibbli għandhom jiġu ddettaljati fil-kalendarju tal-irkant bl-eċċezzjoni tal-kapaċità interrompibbli matul l-istess jum. Għall-irkanti ta' kapaċità annwali ta' kull sena, l-irkanti kollha ta' kapaċità trimestrali ta' kull sena u l-irkanti kollha rikorrenti ta' kapaċità ta' kull xahar, l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni għandhom jinnotifikaw lill-utenti tan-netwerk ġimgħa qabel jibda l-irkant dwar l-ammont ta' kapaċità interrompibbli li għandha tiġi offruta. Fejn irkant ta' kapaċità kostanti ma jkunx għalaq fil-jum skedat ta' bidu għall-irkanti tal-kapaċità interrompibbli, l-irkanti tal-kapaċità interrompibbli għandhom jibdew mhux aktar tard mill-jum ta' negozju li jkun imiss wara l-għeluq tal-irkanti tal-kapaċità kostanti rispettivi. F'każijiet bħal dawn, kwalunkwe bidla fl-ammonti offruti għandha tiġi notifikata tal-anqas 12-il siegħa qabel jibda l-irkant ta' kapaċità interrompibbli rispettivi.

Artikolu 33

Ħinijiet minimi ewlenin ta' interruzzjoni

1.   Il-kapaċitajiet interrompibbli għandu jkollhom ħinijiet minimi ewlenin ta' interruzzjoni, li għandhom jiġu deċiżi b'mod konġunt minn operaturi kontigwi tas-sistema ta' trażmissjoni.

2.   Il-ħin minimu ewlieni predefinit ta' interruzzjoni għal siegħa ta' gass partikolari għandu jkun ħamsa u erbgħin minuta wara l-bidu taċ-ċiklu ta' nomina mill-ġdid għal dik is-siegħa tal-gass. Fejn żewġ operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni jkunu jixtiequ jqassru l-ħin ewlieni għall-interruzzjonijiet, kwalunkwe ftehim li jkun intlaħaq bejn l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni għandu jkun soġġett għall-approvazzjoni mill-awtorità regolatorja nazzjonali kompetenti.

Artikolu 34

Koordinazzjoni tal-proċess ta' interruzzjoni

L-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni li jibda l-interruzzjoni għandu jinnotifika lill-operatur kontigwu relevanti tas-sistema ta' trażmissjoni. Operaturi kontigwi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jinnotifikaw lill-utenti tan-netwerk affettwati rispettivi tagħhom malajr kemm jista' jkun, iżda b'kunsiderazzjoni xierqa tal-affidabbiltà tal-informazzjoni.

Artikolu 35

Sekwenza ddefinita ta' interruzzjonijiet

1.   L-ordni li fiha għandhom jitwettqu l-interruzzjonijiet, jekk it-total tan-nomini jkun jaqbeż il-kwantità ta' gass li jista' jgħaddi minn punt ta' interkonnessjoni partikolari, għandu jiġi stabbilit abbażi tas-siġill tal-ħin kuntrattwali tal-kuntratti ta' trasport rispettivi fuq bażi interrompibbli. F'każ ta' interruzzjoni, il-kuntratti ta' trasport li jkunu daħlu fis-seħħ aktar kmieni għandhom jipprevalu fuq kuntratti ta' trasport li jidħlu fis-seħħ aktar tard.

2.   Jekk, wara l-applikazzjoni tal-proċedura stipulata fil-paragrafu 1, żewġ nomini jew aktar jiġu kklassifikati fl-istess pożizzjoni fl-ordni ta' interruzzjoni, u l-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni ma jinterrompihomx kollha kemm huma, għandu jiġi applikat tnaqqis prorata fuq dawn in-nomini speċifiċi.

3.   Biex jakkomodaw id-differenzi bejn id-diversi servizzi ta' kapaċità interrompibbli fl-Unjoni, l-operaturi kontigwi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jimplimentaw u jikkoordinaw il-proċeduri konġunti previsti f'dan l-Artikolu fuq bażi ta' punt ta' interkonnessjoni wara l-ieħor.

Artikolu 36

Raġunijiet għall-interruzzjonijiet

L-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni għandhom jinkludu raġunijiet għall-interruzzjonijiet jew direttament fil-kuntratti ta' trasport interrompibbli tagħhom, jew fit-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw dawn il-kuntratti. Ir-raġunijiet għall-interruzzjonijiet jistgħu jinkludu il-kwalità tal-gass, il-pressjoni, it-temperatura, il-mudelli ta' flussi, l-użu ta' kuntratti kostanti, il-manutenzjoni, il-limitazzjonijiet downstream jew upstream, l-obbligi tas-servizz pubbliku, u l-ġestjoni tal-kapaċità li tirriżulta mill-proċeduri tal-ġestjoni tal-konġestjoni, iżda mhumiex limitati għalihom.

KAPITOLU VII

PJATTAFORMI TA' PRENOTAZZJONI TA' KAPAĊITÀ

Artikolu 37

Pjattaformi ta' prenotazzjoni ta' kapaċità

1.   L-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni għandhom japplikaw dan ir-Regolament billi joffru kapaċità permezz ta' pjattaforma waħda, jew għadd limitat ta' pjattaformi konġunti, ta' prenotazzjoni fuq l-Internet. L-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni jistgħu joperaw tali pjattaformi huma stess, jew permezz ta' parti miftiehma li, fejn meħtieġa, taġixxi f'isimhom lejn l-utenti tan-netwerk.

2.   Il-pjattaformi konġunti ta' prenotazzjoni għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)

għandhom japplikaw ir-regoli u l-proċeduri għall-offerta u l-allokazzjoni tal-kapaċità skont il-Kapitolu III;

(b)

l-istabbilment ta' proċess biex tiġi offruta kapaċità raggruppata kostanti skont il-Kapitolu IV għandu jingħata prijorità;

(c)

għandhom jiġu pprovduti funzjonalitajiet għall-utenti tan-netwerk biex joffru u jiksbu kapaċità sekondarja;

(d)

sabiex jużaw is-servizzi tal-pjattaformi ta' prenotazzjoni, l-utenti tan-netwerk għandhom jaderixxu u jikkonformaw mar-rekwiżiti legali u kontrattwali applikabbli li jippermettulhom jibbukjaw u jużaw il-kapaċità fuq in-netwerk tal-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni relevanti taħt kuntratt ta' trasport;

(e)

il-kapaċità fi kwalunkwe punt ta' interkonnessjoni wieħed, jew punt ta' interkonnessjoni virtwali wieħed, ma għandhiex tiġi offruta f'aktar minn pjattaforma waħda ta' prenotazzjoni, iżda l-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni jista' joffri kapaċità f'punti differenti ta' interkonnessjoni jew ta' interkonnessjoni virtwali permezz ta' diversi pjattaformi ta' prenotazzjoni.

3.   Fi żmien tliet xhur mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, l-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni kollha għandhom jilħqu ftehim kuntrattwali biex jużaw pjattaforma waħda għall-prenotazzjonijiet għall-offerta ta' kapaċità fuq iż-żewġ naħat tal-punti ta' interkonnessjoni jew fuq il-punti ta' interkonnessjoni virtwali rispettivi tagħhom. Jekk ma jintlaħaq l-ebda qbil bejn l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni fi żmien dak il-perjodu, il-kwistjoni għandha tintbagħat minnufih mill-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni lill-awtoritajiet regolatorji. Wara, fi żmien perjodu ulterjuri ta' sitt xhur mid-data ta' riferiment, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jagħżlu flimkien pjattaforma waħda għall-prenotazzjonijiet għal perijodu mhux itwal minn tliet snin. Jekk l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali ma jkunux jistgħu jagħżlu flimkien pjattaforma waħda għall-prenotazzjonijiet fi żmien sitt xhur mid-data ta' riferiment, għandu japplika l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 713/2009. L-Aġenzija għandha tiddeċiedi rigward il-pjattaforma ta' prenotazzjoni li għandha tintuża, għal perjodu ta' mhux aktar minn tliet snin, fil-punt ta' interkonnessjoni jew il-punt ta' interkonnessjoni virtwali.

4.   F'każ li l-għażla tal-pjattaforma ta' prenotazzjoni f'punt ta' interkonnessjoni jew punt ta' interkonnessjoni virtwali ssir mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jew mill-Aġenzija, l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni għandhom jilħqu ftehim kuntrattwali rigward l-użu ta' pjattaforma ta' prenotazzjoni sa mhux aktar tard minn tmiem il-perjodu msemmi fl-aħħar sentenza tal-paragrafu 3, li għalih tkun saret l-għażla mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jew mill-Aġenzija. Jekk ma jintlaħaq ebda ftehim kuntrattwali, għandha titkompla l-proċedura stipulata fil-paragrafu 3.

5.   L-istabbiliment ta' pjattaforma waħda, jew għadd limitat ta' pjattaformi konġunti ta' prenotazzjoni għandu jiffaċilita u jħaffef il-prenotazzjoni tal-kapaċità f'punti ta' interkonnessjoni mal-Unjoni kollha, għall-ġid tal-utenti tan-netwerk. Fejn xieraq, l-ENTSOG u l-Aġenzija għandhom jiffaċilitaw dan il-proċess.

6.   Fir-rigward taż-żidiet fil-kapaċità teknika, ir-riżultati tal-allokazzjoni għandhom jiġu ppubblikati fuq il-pjattaforma ta' prenotazzjoni użata għall-irkant tal-kapaċità eżistenti, u għal kapaċità ġdida maħluqa fejn dak il-ħin ma tkunx teżisti, fuq pjattaforma ta' prenotazzjoni konġunta maqbula bejn l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni relevanti.

KAPITOLU VIII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 38

Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni

1.   Sabiex jgħin lill-Aġenzija bid-dmirijiet tagħha ta' monitoraġġ skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009, l-ENTSOG għandu jimmonitorja u janalizza l-mod li bih l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni implimentaw dan ir-Regolament skont l-Artikolu 8(8) u (9) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009. B'mod partikolari, l-ENTSOG għandu jiżgura l-kompletezza u l-korrettezza tal-informazzjoni kollha relevanti mill-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni. L-ENTSOG għandu jissottometti dik l-informazzjoni lill-Aġenzija sal-31 ta' Marzu 2019.

2.   L-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni għandhom jissottomettu lill-ENTSOG l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-ENTSOG biex dan jikkonforma mal-obbligi tiegħu skont il-paragrafu 1 sal-31 ta' Diċembru 2018.

3.   Il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjalment sensittiva għandha tiġi ppreżervata mill-ENTSOG u mill-Aġenzija.

4.   Qabel is-6 ta' April 2019, l-Aġenzija, fi ħdan il-qafas tal-kompiti tagħha ta' monitoraġġ, għandha tirrapporta dwar il-kondizzjonalitajiet stipulati fil-kuntratti għall-prodotti ta' kapaċità standard għall-kapaċità kostanti, filwaqt li tqis l-effetti tagħhom fuq l-użu effiċjenti tan-netwerk u fuq l-integrazzjoni tas-swieq tal-gass tal-Unjoni. Fil-valutazzjoni tagħha, l-Aġenzija għandha tkun appoġġata mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali relevanti u mill-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni relevanti.

Artikolu 39

Tħassir

Ir-Regolament (UE) Nru 984/2013 għandu jiġi revokat.

Referenzi għar-Regolament irrevokat għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 40

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament japplika minn meta jidħol fis-seħħ.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Marzu 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 211, 14.8.2009, p. 36.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 984/2013 tal-14 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi Kodiċi tan-Netwerk dwar il-Mekkaniżmi ta' Allokazzjoni tal-Kapaċità fis-Sistemi ta' Trażmissjoni tal-Gass u li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 273, 15.10.2013, p. 5).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/703 tat-30 ta' April 2015 li jistabbilixxi Kodiċi tan-Netwerk għar-Regoli dwar l-Interoperabbiltà u l-Iskambju ta' Dejta (ĠU L 113, 1.5.2015, p. 13).

(4)  Id-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 94).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 li jistabbilixxi Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 1).

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/460 tas-16 ta' Marzu 2017 li jistabbilixxi kodiċi tan-netwerk dwar strutturi tariffarji armonizzati għat-trażmissjoni tal-gass (ara paġna 29 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 994/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar miżuri li jissalvagwardaw is-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2004/67/KE (ĠU L 295, 12.11.2010, p. 1).


17.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 72/29


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/460

tas-16 ta' Marzu 2017

li jistabbilixxi kodiċi tan-netwerk dwar strutturi tariffarji armonizzati għat-trażmissjoni tal-gass

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-kundizzjonijiet għall-aċċess għan-netwerks ta' trażmissjoni tal-gass naturali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(11) tiegħu,

Billi:

(1)

F'konformità mar-Regolament (KE) Nru 715/2009, jeħtieġ li jiġi stabbilit kodiċi tan-netwerk dwar l-istrutturi tariffarji armonizzati għat-trażmissjoni tal-gass, u li jiġu stabbiliti regoli għall-Unjoni kollha li għandhom l-objettivi li jikkontribwixxu lejn l-integrazzjoni tas-suq, li jtejbu s-sigurtà tal-provvista u li jippromwovu l-interkonnessjoni bejn netwerks tal-gass.

(2)

Pass kruċjali fl-ilħuq ta' dawn l-objettivi huwa li tiżdied it-trasparenza tal-istrutturi tariffarji għat-trażmissjoni u tal-proċeduri għat-twaqqif tagħhom. Għalhekk, jeħtieġ li jiġu stabbiliti r-rekwiżiti għall-pubblikazzjoni tal-informazzjoni relatata mal-kalkolu tad-dħul tal-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni u mad-derivazzjoni tat-tariffi differenti ta' trażmissjoni u mhux ta' trażmissjoni. Dawn ir-rekwiżiti għandhom jippermettu lill-utenti tan-netwerk jifhmu aħjar it-tariffi stipulati għas-servizzi ta' trażmissjoni u wkoll dawk mhux ta' trażmissjoni, kif ukoll kif inbidlu dawn it-tariffi, kif huma stabbiliti u kif jistgħu jinbidlu. Barra minn hekk, l-utenti tan-netwerk għandhom ikunu jistgħu jifhmu l-ispejjeż li fuqhom huma bbażati t-tariffi tat-trażmissjoni u jipprevedu tariffi għat-trażmissjoni b'mod raġonevoli. Ir-rekwiżiti ta' trasparenza stipulati f'dan ir-Regolament jarmonizzaw b'mod ulterjuri r-regola stabbilita fil-punt 3.1.2(a) tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 715/2009.

(3)

Wara l-introduzzjoni tal-kunċett tas-sistema ta' dħul u ħruġ bir-Regolament (KE) Nru 715/2009, l-ispejjeż ta' trażmissjoni m'għadhomx assoċjati direttament ma' rotta waħda speċifika billi l-kapaċità ta' dħul u ħruġ tista' tiġi kkuntrattata b'mod separat, u l-utenti tan-netwerk jista' jkollhom il-gass ittrasportat minn kwalunkwe punt ta' dħul għal kwalunkwe punt ta' ħruġ. Bħala parti minn dan il-qafas, l-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni jiddeċiedi l-aktar mod effiċjenti li bih il-gass jiġi mgħoddi minn ġos-sistema. Għalhekk, sabiex jinkiseb u jiġi żgurat livell raġonevoli ta' riflettività tal-kost u ta' prevedibilità f'din is-sistema, it-tariffi għat-trażmissjoni għandhom ikunu bbażati fuq metodoloġija ta' prezz ta' referenza bl-użu ta' fatturi speċifiċi tal-ispejjeż. Għandhom jiġu stabbiliti l-prinċipji gwida sabiex tiġi applikata metodoloġija ta' prezz ta' referenza konsistenti u trasparenti. Għandu jiġi stipulat obbligu ta' konsultazzjoni dwar il-metodoloġija proposta ta' prezz ta' referenza. Fejn il-metodoloġija proposta ta' prezz ta' referenza hija differenti mill-metodoloġija ta' prezz ta' referenza tal-kapaċità bbażata fuq id-distanza, din tal-aħħar għandha sservi bħala xenarju kontrofattwali għall-paragun mal-metodoloġija proposta ta' prezz ta' referenza.

(4)

Sabiex jiġu evitati imposti doppji għat-trażmissjoni lejn u minn faċilitajiet ta' ħżin, dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi skont minimu li jirrikonoxxi l-kontribuzzjoni ġenerali għall-flessibilità tas-sistema u s-sigurtà tal-provvista ta' din l-infrastruttura. Il-faċilitajiet ta' ħżin b'aċċess dirett għas-sistemi ta' trażmissjoni ta' żewġ operaturi jew aktar ta' sistemi ta' trażmissjoni fis-sistemi ta' dħul u ħruġ konnessi b'mod dirett, jew simultanjament għal sistema ta' trażmissjoni u sistema ta' distribuzzjoni, jippermettu t-trasport tal-gass bejn is-sistemi konnessi b'mod dirett. L-applikazzjoni ta' skont fil-punti ta' dħul jew ta' ħruġ lejn il-faċilitajiet ta' ħżin f'każijiet fejn il-faċilitajiet ta' ħżin jintużaw biex jittrasportaw il-gass bejn is-sistemi konnessi b'mod dirett għandha tkun ta' benefiċċju għall-utenti tan-netwerk meta mqabbla ma' utenti oħrajn tan-netwerk li jipprenotaw prodotti ta' kapaċità mingħajr skont f'punti ta' interkonnessjoni jew l-użu ta' faċilitajiet ta' ħżin biex jittrasportaw il-gass fl-istess sistema. Dan ir-Regolament għandu jintroduċi mekkaniżmi li jevitaw din id-diskriminazzjoni.

(5)

Sabiex tiġi promossa s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, l-għoti ta' skonti għandu jiġi kkunsidrat għal punti ta' dħul minn faċilitajiet ta' LNG, u f'punti ta' dħul minn u f'punti ta' ħruġ lejn infrastrutturi żviluppati bl-għan li tintemm l-iżolazzjoni tal-Istati Membri b'rabta mas-sistemi tagħhom ta' trażmissjoni tal-gass.

(6)

L-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni f'ċertu sistemi ta' dħul u ħruġ jittrasportaw, b'mod sinifikanti, aktar gass f'sistemi oħrajn milli għall-konsum fis-sistema tagħhom stess ta' dħul u ħruġ. Konsegwentement, il-metodoloġiji ta' prezz ta' referenza għandhom jinkludu s-salvagwardji meħtieġa biex jipproteġu lil dawn il-konsumaturi magħluqa (“captive consumers”) mir-riskji relatati ma' flussi kbar ta' tranżitu.

(7)

Sabiex tiġi promossal-istabilità tat-tariffi ta' trażmissjoni għall-utenti tan-netwerk, titrawwem l-istabilità finanzjarja u jiġu evitati effetti ta' detriment fuq id-dħul u l-pożizzjonijiet tal-fluss tal-flus tal-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni, għandhom jiġu stabbiliti prinċipji għar-rikonċiljazzjoni tad-dħul.

(8)

Barra minn hekk, għandhom jiġu stabbiliti regoli fuq il-prinċipji tariffarji għall-kapaċità inkrementali mwettqa b'mod ibbażat fuq is-suq skont il-proċess stipulat fl-Artikoli 26 sa 30 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/459 (2). Fil-każ li t-twettiq tal-kapaċità inkrementali jwassal għal livell ta' sussidju reċiproku li ma jistax jiġi ġġustifikat, billi l-konsumaturi magħluqa jkunu esposti għal sehem kbir mir-riskju tal-volum, dan ir-Regolament għandu jintroduċi mekkaniżmi sabiex jittaffew dawn ir-riskji.

(9)

Dan ir-Regolament għandu japplika għall-parti mhux eżenti ta' infrastrutturi ewlenin ġodda li rċevew eżenzjoni skont l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) mill-Artikolu 41(6), (8) u (10) ta' dik id-Direttiva. F'każijiet fejn in-natura speċifika tal-interkonnettituri tkun ġiet rikonoxxuta fil-livell Ewropew b'eżenzjoni f'konformità mal-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73/KE jew b'mezzi oħrajn, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandu jkollhom is-setgħa li jagħtu deroga mir-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament li jpoġġu f'periklu l-operazzjoni effiċjenti ta' dawn l-interkonnettituri.

(10)

Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni u dawk nazzjonali dwar il-kompetizzjoni, b'mod partikolari l-projbizzjonijiet ta' ftehimiet restrittivi (l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea) u ta' abbuż ta' pożizzjoni dominanti (l-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea). L-istrutturi tariffarji ta' trażmissjoni armonizzati li jiddaħħlu fis-seħħ għandhom jiġu mfassla b'mod li jevitaw il-preklużjoni tas-swieq ta' forniment downstream.

(11)

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni għandhom iqisu l-aħjar prattiki u impenji sabiex jarmonizzaw il-proċessi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament. Filwaqt li jaġixxu skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija u l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiżguraw li r-regoli dwar l-istrutturi tariffarji armonizzati għat-trażmissjoni tal-gass jiġu implimentati mal-Unjoni kollha bl-iktar mod effettiv.

(12)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 51 tad-Direttiva 2009/73/KE,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi kodiċi tan-netwerk li jistipula r-regoli dwar l-istrutturi tariffarji armonizzati għat-trażmissjoni tal-gass, inklużi r-regoli dwar l-applikazzjoni ta' metodoloġija ta' prezz ta' referenza, ir-rekwiżiti assoċjati tal-konsultazzjoni u l-pubblikazzjoni kif ukoll il-kalkolu tal-prezzijiet ta' riżerva għall-prodotti ta' kapaċità standard.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-punti kollha ta' dħul u l-punti kollha ta' ħruġ ta' netwerks ta' trażmissjoni tal-gass bl-eċċezzjoni tal-Kapitoli III, V, VI, l-Artikolu 28, l-Artikolu 31(2) u (3) u l-Kapitolu IX li għandhom japplikaw biss għall-punti ta' interkonnessjoni. Il-Kapitoli III, V, VI, l-Artikolu 28 u l-Kapitolu IX għandhom japplikaw għall-punti ta' dħul minn pajjiżi terzi jew punti ta' ħruġ lejn pajjiżi terzi, jew it-tnejn li huma, meta l-awtorità regolatorja nazzjonali tiddeċiedi li tapplika r-Regolament (UE) 2017/459 f'dawn il-punti.

2.   Dan ir-Regolament ma japplikax fl-Istati Membri li jkunu ngħataw deroga skont l-Artikolu 49 tad-Direttiva 2009/73/KE, għat-tul ta' dik id-deroga.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009, l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2017/459, l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 312/2014 (5), l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/703 (6), kif ukoll fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/73/KE. Barra minn dan, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.

“prezz ta' referenza” tfisser il-prezz għal prodott ta' kapaċità għal kapaċità kostanti b'tul ta' sena, li huwa applikabbli fil-punti ta' dħul u ta' ħruġ u li jintuża biex jiġu stabbiliti tariffi tat-trażmissjoni bbażata fuq il-kapaċità;

2.

“metodoloġija ta' prezz ta' referenza” tfisser il-metodoloġija applikata għall-parti mid-dħul tas-servizzi ta' trażmissjoni li għandha tiġi rkuprata mit-tariffi ta' trażmissjoni bbażata fuq il-kapaċità bl-għan li jitnisslu prezzijiet ta' referenza;

3.

“reġim mingħajr regolazzjoni tal-limitu massimu tal-prezzijiet” tfisser reġim regolatorju, bħalma huma r-reġim ta' regolazzjoni tal-limitu massimu tad-dħul, tar-rata tar-redditu u tal-ispejjeż, li fuq il-bażi tiegħu jiġi stabbilit id-dħul permess għall-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni b'konformità mal-Artikolu 41(6)(a) tad-Direttiva 2009/73/KE;

4.

“dħul minn servizzi mhux ta' trażmissjoni” tfisser parti mid-dħul permess jew fil-mira li jiġi rkuprat mit-tariffi mhux ta' trażmissjoni;

5.

“perjodu regolatorju” tfisser il-perjodu ta' żmien li għalih ir-regoli ġenerali għad-dħul permess jew fil-mira jiġu stabbiliti b'konformità mal-Artikolu 41(6)(a) tad-Direttiva 2009/73/KE;

6.

“dħul minn servizzi tat-trażmissjoni” tfisser il-parti mid-dħul permess jew fil-mira li tiġi rkuprat mit-tariffi ta' trażmissjoni;

7.

“tariffi tat-trażmissjoni” tfisser l-imposti pagabbli mill-utenti tan-netwerk għas-servizzi tat-trażmissjoni pprovduti lilhom;

8.

“użu intrasistemiku tan-netwerk” tfisser it-trasport ta' gass fi ħdan sistema ta' dħul u ħruġ lejn il-konsumaturi konnessi ma' dik l-istess sistema ta' dħul u ħruġ;

9.

“użu intersistemiku tan-netwerk” tfisser it-trasport ta' gass fi ħdan sistema ta' dħul u ħruġ lejn il-konsumaturi konnessi ma' sistema oħra ta' dħul u ħruġ;

10.

“grupp ta' punti omoġenju” tfisser grupp ta' wieħed minn dawn il-punti li ġejjin: punti ta' dħul ta' interkonnessjoni, punti ta' ħruġ ta' interkonnessjoni, punti ta' dħul domestiċi, punti ta' ħruġ domestiċi, punti ta' ħruġ minn faċilitajiet ta' ħżin, punti ta' ħruġ minn faċilitajiet ta' ħżin, punti ta' dħul minn faċilitajiet ta' gass naturali likwifikat (minn hawn 'il quddiem: “faċilitajiet ta' LNG”), punti ta' ħruġ lejn il-faċilitajiet ta' LNG u punti ta' dħul minn faċilitajiet ta' produzzjoni;

11.

“dħul permess” tfisser l-ammont totali tad-dħul tas-servizzi ta' trażmissjoni u mhux ta' trażmissjoni għall-għoti ta' servizzi mill-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni għal perjodu ta' żmien speċifiku f'perjodu regolatorju speċifiku li fih tali operatur tas-sistema ta' trażmissjoni huwa intitolat jikseb bħala parti minn reġim mingħajr regolazzjoni tal-limitu massimu tal-prezzijiet u li huwa stipulat f'konformità mal-Artikolu 41(6)(a) tad-Direttiva 2009/73/KE;

12.

“servizzi ta' trażmissjoni” tfisser is-servizzi regolati li huma pprovduti mill-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni fis-sistema ta' dħul u ħruġ għall-għan tat-trażmissjoni;

13.

“tariffi mhux ta' trażmissjoni” tfisser l-imposti pagabbli mill-utenti tan-netwerk għas-servizzi mhux ta' trażmissjoni ipprovduti lilhom;

14.

“dħul fil-mira” tfisser l-ammont totali tad-dħul mistenni mis-servizzi ta' trażmissjoni kalkolata f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 u d-dħul mistenni mis-servizzi mhux ta' trażmissjoni għall-għoti tas-servizzi mill-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni għal perjodu ta' żmien speċifiku f'perjodu regolatorju speċifiku bħala parti minn reġim ta' regolazzjoni tal-limitu massimu tal-prezzijiet;

15.

“servizzi mhux ta' trażmissjoni” tfisser is-servizzi regolati minbarra s-servizzi ta' trażmissjoni u minbarra s-servizzi regolati mir-Regolament (UE) Nru 312/2014 li huma pprovduti mill-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni;

16.

“multiplikatur” tfisser il-fattur applikat għall-proporzjon rispettiv tal-prezz ta' referenza sabiex jiġi kkalkulat il-prezz ta' riżerva għall-prodott mhux annwali ta' kapaċità standard;

17.

“reġim ta' regolazzjoni tal-limitu massimu tal-prezzijiet” tfisser reġim regolatorju li bħala parti minnu tiġi stipulata tariffa massima għat-trażmissjoni bbażata fuq id-dħul fil-mira, f'konformità mal-Artikolu 41(6)(a) tad-Direttiva 2009/73/KE;

18.

“fattur tal-ispejjeż” tfisser determinant ewlieni tal-attività tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni li hija korrelata mal-ispejjeż ta' dak l-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni, bħad-distanza jew il-kapaċità teknika;

19.

“raggruppament ta' punti ta' dħul jew ħruġ” tfisser grupp omoġenju ta' punti jew grupp ta' punti ta' dħul jew ta' ħruġ li jinsabu qrib xulxin u li huma kkunsidrati bħala, rispettivament, punt ta' dħul wieħed jew punt ta' ħruġ wieħed għall-applikazzjoni tal-metodoloġija tal-prezz ta' referenza;

20.

“xenarju tal-fluss” tfisser kombinazzjoni ta' punt ta' dħul u ta' punt ta' ħruġ li tirrifletti l-użu tas-sistema ta' trażmissjoni skont ix-xejriet probabbli tad-domanda u li għaliha hemm tal-inqas rotta waħda ta' pipeline li tippermetti l-fluss tal-gass fin-netwerk ta' trażmissjoni f'dak il-punt ta' dħul u 'l barra min-netwerk ta' trażmissjoni f'dak il-punt ta' ħruġ, irrispettivament minn jekk il-kapaċità tiġix kuntrattata f'dak il-punt ta' dħul u dak il-punt ta' ħruġ;

21.

“fattur staġunali” tfisser il-fattur li jirrifletti l-varjazzjoni tad-domanda fis-sena li jista' jiġi applikat f'kombinazzjoni mal-multiplikatur rilevanti;

22.

“prezz pagabbli fiss” tfisser prezz ikkalkulat f'konformità mal-Artikolu 24(b) fejn il-prezz ta' riżerva mhuwiex soġġett għal aġġustamenti;

23.

“perjodu tat-tariffi” tfisser il-perjodu ta' żmien li fih huwa applikabbli livell partikolari ta' prezz ta' referenza, u fejn it-tul minimu huwa ta' sena u t-tul massimu huwa t-tul tal-perjodu regolatorju;

24.

“kont regolatorju” tfisser il-kont li fih jinġema', mill-inqas, l-irkupru insuffiċjenti u l-irkupru żejjed tad-dħul tas-servizzi ta' trażmissjoni bħala parti minn reġim mingħajr regolazzjoni tal-limitu massimu tal-prezzijiet;

25.

“primjum tal-irkant” tfisser id-differenza bejn il-prezz ta' approvazzjoni tal-irkant u l-prezz ta' riżerva f'irkant;

26.

“prezz pagabbli varjabbli” tfisser prezz ikkalkulat f'konformità mal-Artikolu 24(a) fejn il-prezz ta' riżerva huwa soġġett għal aġġustament bħar-rikonċiljazzjoni tad-dħul, l-aġġustament tad-dħul permess jew l-aġġustament tal-kapaċità kuntrattata mbassra.

Artikolu 4

Servizzi u tariffi ta' trażmissjoni u mhux ta' trażmissjoni

1.   Servizz speċifiku għandu jitqies bħala servizz ta' trażmissjoni meta jkunu ġew issodisfati ż-żewġ kriterji li ġejjin:

(a)

l-ispejjeż ta' dan is-servizz huma kkawżati mill-fatturi tal-ispejjeż tal-kapaċità kuntrattata teknika jew imbassra u mid-distanza;

(b)

l-ispejjeż ta' dan is-servizz huma relatati mal-investiment fl-infrastruttura u l-operazzjoni tagħha li huma parti minn bażi ta' assi regolata għall-għoti tas-servizzi ta' trażmissjoni.

Meta jkun hemm nuqqas ta' konformità ma' kwalunkwe waħda mill-kriterji stipulati fil-punti (a) u (b), servizz speċifiku jista' jiġi attribwit għas-servizzi ta' trażmissjoni jew mhux ta' trażmissjoni, soġġett għas-sejbiet tal-konsultazzjoni perjodika mill-operatur(i) tas-sistema ta' trażmissjoni jew mill-awtorità regolatorja nazzjonali u d-deċiżjoni mill-awtorità regolatorja nazzjonali, kif stipulat fl-Artikoli 26 u 27.

2.   It-tariffi tat-trażmissjoni jistgħu jiġu stabbiliti b'mod li jieħdu kont tal-kundizzjonijiet għall-prodotti ta' kapaċità kostanti.

3.   Id-dħul mis-servizzi ta' trażmissjoni għandu jiġi rkuprat mit-tariffi ta' trażmissjoni bbażata fuq il-kapaċità.

Bħala eċċezzjoni, soġġett għall-approvazzjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali, parti mid-dħul tas-servizzi ta' trażmissjoni għandu jiġi rkuprat biss mit-tariffi għat-trażmissjoni tal-kumditajiet li ġejjin li huma stipulati b'mod separat minn xulxin:

(a)

tariffa bbażata fuq il-fluss, li għandha tikkonforma mal-kriterji kollha li ġejjin:

(i)

tkun imposta għall-iskop li tkopri l-ispejjeż ikkawżati l-aktar mill-kwantità tal-fluss tal-gass;

(ii)

tiġi kkalkulata abbażi tal-flussi mbassra jew storiċi tal-kapaċità, jew it-tnejn li huma, u stipulata b'tali mod li tkun l-istess f'kull punt ta' dħul u l-istess f'kull punt ta' ħruġ;

(iii)

tiġi espressa f'termini monetarji jew mhux finanzjarji.

(b)

tariffa kumplementarja fuq l-irkupru tad-dħul, li għandha tikkonforma mal-kriterji kollha li ġejjin:

(i)

tkun imposta għall-iskop ta' ġestjoni tal-irkupru insuffiċjenti u l-irkupru żejjed;

(ii)

tiġi kkalkulata fuq il-bażi ta' allokazzjonijiet u flussi mbassra jew storiċi tal-kapaċità, jew it-tnejn li huma;

(iii)

tiġi applikata f'punti li mhumiex punti ta' interkonnessjoni;

(iv)

tiġi applikata wara li l-awtorità regolatorja nazzjonali tkun għamlet valutazzjoni tar-riflettività tal-kost u l-impatt tiegħu fuq is-sussidju reċiproku bejn il-punti ta' interkonnessjoni u punti ħlief punti ta' interkonnessjoni.

4.   Id-dħul ta' servizzi mhux ta' trażmissjoni għandu jiġi rkuprat mit-tariffi mhux ta' trażmissjoni applikabbli għal servizz mhux ta' trażmissjoni speċifiku. Dawn it-tariffi għandhom ikunu kif ġej:

(a)

riflettivi għall-kost, mhux diskriminatorji, oġġettivi u trasparenti;

(b)

imposti lill-benefiċjarji ta' servizz mhux ta' trażmissjoni speċifiku bl-għan li jiġi mnaqqas is-sussidju reċiproku bejn l-utenti tan-netwerk ġewwa jew 'il barra minn Stat Membru, jew it-tnejn li huma.

Fejn, skont l-awtorità regolatorja nazzjonali servizz mhux ta' trażmissjoni speċifiku jibbenefika lill-utenti kollha tan-netwerk, l-ispejjeż għal dan is-servizz għandhom jiġu rkuprati mill-utenti kollha tan-netwerk.

Artikolu 5

Valutazzjonijiet dwar l-allokazzjoni tal-ispejjeż

1.   L-awtorità regolatorja nazzjonali jew l-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni, kif deċiż mill-awtorità regolatorja nazzjonali, għandha twettaq il-valutazzjonijiet li ġejjin u għandha tippubblikahom bħala parti mill-konsultazzjoni finali msemmija fl-Artikolu 26:

(a)

valutazzjoni tal-allokazzjoni tal-kost relatata mad-dħul mis-servizzi tat-trażmissjoni li għandu jiġi rkuprat mit-tariffi għat-trażmissjoni bbażata fuq il-kapaċità u bbażata esklużivament fuq il-fatturi tal-ispejjeż ta' dawn li ġejjin:

(i)

il-kapaċità teknika; jew

(ii)

il-kapaċità kuntrattata mbassra; jew

(iii)

il-kapaċità teknika u d-distanza; jew

(iv)

il-kapaċità kuntrattata mbassra u d-distanza;

(b)

valutazzjoni tal-allokazzjoni tal-kost relatata mad-dħul mis-servizzi tat-trażmissjoni li għandu jiġi rkuprat mit-tariffi għat-trażmissjoni bbażati fuq il-komodità, jekk ikun hemm, u bbażata esklużivament fuq il-fatturi tal-ispejjeż tal-kapaċità ta' dawn li ġejjin:

(i)

l-ammont tal-flussi tal-gass; jew

(ii)

l-ammont tal-flussi tal-gass u d-distanza.

2.   Il-valutazzjonijiet dwar l-allokazzjoni tal-kost għandhom jindikaw il-grad ta' sussidju reċiproku bejn l-użu intrasistemiku u intersistemiku tan-netwerk abbażi tal-metodoloġija proposta tal-prezz ta' referenza.

3.   Il-valutazzjoni tal-allokazzjoni tal-ispejjeż imsemmija fil-paragrafu 1(a) għandha titwettaq kif ġej:

(a)

id-dħul mill-kapaċità tas-servizzi ta' trażmissjoni li għandu jinkiseb mill-użu intrasistemiku fil-punti ta' dħul kollha u l-punti kollha ta' ħruġ għandu jiġi diviż mill-valur tal-fattur(i) tal-ispejjeż tal-kapaċità rilevanti għall-użu intrasistemiku tan-netwerk sabiex jiġi kkalkulat il-proporzjon tal-kapaċità intrasistemiku, li hija ddefinita bħala unità monetarja għal kull unità ta' kejl, bħal f'euro għal kull MWh/jum, f'konformità mal-formula li ġejja:

Formula

Fejn:

 

Formula huwa d-dħul, iddefinit f'unità monetarja bħall-euro, li jinkiseb minn tariffi tal-kapaċità u impost għall-użu intrasistemiku tan-netwerk;

 

Formula huwa l-valur tal-fattur(i) tal-ispejjeż relatati mal-kapaċità għall-użu intrasistemiku tan-netwerk, bħall-ammont totali tal-kapaċitajiet medji mbassra ta' kuljum kuntrattati f'kull punt ta' dħul intrasistemiku u kull punt ta' ħruġ intrasistemiku, jew raggruppament ta' punti, u huwa ddefinit f'unitajiet ta' kejl bħal MWh/jum.

(b)

id-dħul mill-kapaċità tas-servizzi ta' trażmissjoni li għandu jinkiseb mill-użu intersistemiku fil-punti ta' dħul kollha u l-punti kollha ta' ħruġ għandu jiġi diviż mill-valur tal-fattur(i) tal-ispejjeż tal-kapaċità rilevanti għall-użu intrasistemiku tan-netwerk sabiex jiġi kkalkulat il-proporzjon tal-kapaċità intersistemiku, li hija ddefinita bħala unità monetarja għal kull unità ta' kejl, bħal f'euro għal kull MWh/jum, f'konformità mal-formula li ġejja:

Formula

Fejn:

 

Formula huwa d-dħul, iddefinit f'unità monetarja bħall-euro, li jinkiseb minn tariffi tal-kapaċità u impost għall-użu intersistemiku tan-netwerk;

 

Formula huwa l-valur tal-fattur(i) tal-ispejjeż relatati mal-kapaċità għall-użu tan-netwerk intersistemiku, bħall-ammont totali tal-kapaċitajiet medji mbassra ta' kuljum kuntrattati f'kull punt ta' dħul u punt ta' ħruġ intersistemiku, jew raggruppament ta' punti, u huwa ddefinit f'unitajiet ta' kejl bħal MWh/jum.

(c)

l-indiċi ta' paragun tal-allokazzjoni tal-ispejjeż ta' kapaċità bejn il-proporzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b), li huwa ddefinit f'perċentwali, għandu jiġi kkalkulat f'konformità mal-formula li ġejja:

Formula

4.   Il-valutazzjoni tal-allokazzjoni tal-ispejjeż imsemmija fil-paragrafu 1(b) għandha titwettaq kif ġej:

(a)

id-dħul mill-komodità tas-servizzi ta' trażmissjoni li għandu jinkiseb mill-użu intrasistemiku fil-punti ta' dħul kollha u l-punti kollha ta' ħruġ għandu jiġi diviż mill-valur tal-fattur(i) tal-ispejjeż tal-komodità rilevanti għall-użu intrasistemiku tan-netwerk sabiex jiġi kkalkulat il-proporzjon tal-komodità intrasistemiku, li hija ddefinita bħala unità monetarja għal kull unità ta' kejl, bħal f'euro għal kull MWh, f'konformità mal-formula li ġejja:

Formula

Fejn:

 

Formula huwa d-dħul, iddefinit f'unità monetarja bħall-euro, li jinkiseb minn tariffi tal-komodità u impost għall-użu intrasistemiku tan-netwerk;

 

Formula huwa l-valur tal-fattur(i) tal-ispejjeż relatati mal-komodità għall-użu intrasistemiku tan-netwerk, bħall-ammont totali tal-flussi medji mbassra ta' kuljum f'kull punt ta' dħul u punt ta' ħruġ intrasistemiku, jew raggruppament ta' punti, u huwa ddefinit f'unitajiet ta' kejl bħal MWh.

(b)

id-dħul mill-komodità tas-servizzi ta' trażmissjoni li għandu jinkiseb mill-użu intersistemiku fil-punti ta' dħul kollha u l-punti kollha ta' ħruġ għandu jiġi diviż mill-valur tal-fattur(i) tal-ispejjeż tal-komodità rilevanti għall-użu intersistemiku tan-netwerk sabiex jiġi kkalkulat il-proporzjon tal-komodità intersistemiku, li hija ddefinita bħala unità monetarja għal kull unità ta' kejl, bħal f'euro għal kull MWh, f'konformità mal-formula li ġejja:

Formula

Fejn:

 

Formula huwa d-dħul, iddefinit f'unità monetarja bħall-euro, li jinkiseb minn tariffi tal-komodità u impost fuq l-użu intersistemiku tan-netwerk;

 

Formula huwa l-valur tal-fattur(i) tal-ispejjeż relatati mal-komodità għall-użu intersistemiku tan-netwerk, bħall-ammont totali tal-flussi medji mbassra ta' kuljum f'kull punt ta' dħul u punt ta' ħruġ intersistemiku, jew raggruppament ta' punti, u huwa ddefinit f'unitajiet ta' kejl bħal MWh.

(c)

l-indiċi ta' paragun tal-allokazzjoni tal-ispejjeż ta' komodità bejn il-proporzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b), li huwa ddefinit f'perċentwali, għandu jiġi kkalkulat f'konformità mal-formula li ġejja:

Formula

5.   Id-dħul tas-servizzi ta' trażmissjoni li għandu jinkiseb mill-użu intrasistemiku tan-netwerk fil-punti ta' dħul imsemmija fil-paragrafi 3(a) u 4(a) għandu jiġi kkalkulat kif ġej:

(a)

l-ammont ta' kapaċità allokata jew, rispettivament, il-flussi attribwiti għall-għoti ta' servizzi ta' trażmissjoni għall-użu intrasistemiku tan-netwerk fil-punti kollha ta' dħul għandu jiġi kkunsidrat indaqs mal-ammont tal-kapaċità jew, rispettivament, mal-flussi attribwiti għall-għoti ta' servizzi ta' trażmissjoni għall-użu intrasistemiku tan-netwerk fil-punti kollha ta' ħruġ;

(b)

il-kapaċità u, rispettivament, il-flussi, determinati kif stipulat fil-punt (a) ta' dan il-paragrafu għandhom jintużaw biex jiġi kkalkulat id-dħul mis-servizzi ta' trażmissjoni li għandu jinkiseb mill-użu intrasistemiku tan-netwerk fil-punti ta' dħul;

(c)

id-differenza bejn id-dħul ġenerali mis-servizzi ta' trażmissjoni għandu jinkiseb fil-punti ta' dħul u l-valur li jirriżulta msemmi fil-punt (b) ta' dan il-paragrafu għandu jkun daqs id-dħul mis-servizzi ta' trażmissjoni li għandu jinkiseb mill-użu intrasistemiku tan-netwerk fil-punti ta' dħul.

6.   Meta d-distanza tintuża bħala fattur tal-ispejjeż f'kombinazzjoni mal-kapaċità kuntrattata teknika jew imbassra jew mal-flussi, għandhom jintużaw id-distanza medja ponderata għall-kapaċità jew, rispettivament, id-distanza medja ponderata għall-komodità. Meta r-riżultati tal-indiċijiet tal-paragun tal-allokazzjoni tal-ispejjeż tal-kapaċità, jew rispettivament tal-komodità, imsemmija fil-paragrafu 3(c) jew rispettivament fil-paragrafu 4(c), jaqbżu l-10 %, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tipprovdi ġustifikazzjoni għal dawn ir-riżultati fid-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 27(4).

KAPITOLU II

METODOLOĠIJI TA' PREZZIJIET TA' REFERENZA

Artikolu 6

L-applikazzjoni ta' metodoloġija ta' prezz ta' referenza

1.   Il-metodoloġija ta' prezz ta' referenza għandha tiġi stabbilita jew approvata mill-awtorità regolatorja nazzjonali kif stipulat fl-Artikolu 27. Il-metodoloġija ta' prezz ta' referenza li għandha tiġi applikata għandha tkun soġġetta għas-sejbiet tal-konsultazzjonijiet perjodiċi mwettqa f'konformità mal-Artikolu 26 mill-operatur(i) tas-sistema ta' trażmissjoni jew mill-awtorità regolatorja nazzjonali, kif deċiż mill-awtorità regolatorja nazzjonali.

2.   L-applikazzjoni tal-metodoloġija ta' prezz ta' referenza għandha tipprovdi prezz ta' referenza.

3.   L-istess metodoloġija ta' prezz ta' referenza għandha tiġi applikata għall-punti kollha ta' dħul u l-ħruġ f'sistema ta' dħul u ħruġ speċifika soġġetta għall-eċċezzjonijiet stipulati fl-Artikoli 10 u 11.

4.   Jistgħu jsiru aġġustamenti għall-applikazzjoni tal-metodoloġija tal-prezz ta' referenza fil-punti kollha ta' dħul u l-ħruġ biss f'konformità mal-Artikolu 9 jew bħala riżultat ta' waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a)

il-parametraġġ mill-awtorità regolatorja nazzjonali, fejn il-prezzijiet ta' referenza f'punt ta' dħul jew ħruġ speċifiku jiġu aġġustati sabiex il-valuri li jirriżultaw jissodisfaw il-livell kompetittiv tal-prezzijiet ta' referenza;

(b)

l-ugwalizzazzjoni mill-operatur(i) tas-sistema ta' trażmissjoni jew mill-awtorità regolatorja nazzjonali, kif deċiż mill-awtorità regolatorja nazzjonali, fejn l-istess prezz ta' referenza huwa applikat għal xi wħud mill-punti jew għall-punti kollha fi grupp omoġenju ta' punti;

(c)

ir-rigradazzjoni mill-operatur(i) tas-sistema ta' trażmissjoni jew mill-awtorità regolatorja nazzjonali, kif deċiż mill-awtorità regolatorja nazzjonali, fejn il-prezzijiet ta' referenza fil-punti kollha ta' dħul jew ħruġ, jew fit-tnejn li huma, huma aġġustati jew bil-multiplikazzjoni tal-valuri tagħhom b'kostant jew biż-żieda jew tnaqqis ta' kostant mill-valuri tagħhom.

Artikolu 7

Għażla ta' metodoloġija ta' prezz ta' referenza

Il-metodoloġija ta' prezz ta' referenza għandha tikkonforma mal-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 u mar-rekwiżiti li ġejjin. Din se jkollha l-għan li:

(a)

jiġi permess li l-utenti tan-netwerk jirriproduċu l-kalkolu tal-prezzijiet ta' referenza u t-tbassir preċiż tagħhom;

(b)

jiġu kkunsidrati l-ispejjeż attwali mġarrba għall-għoti tas-servizzi ta' trażmissjoni meħud kont tal-livell tal-kumplessità tan-netwerk ta' trażmissjoni;

(c)

tiġi żgurata n-nondiskriminazzjoni u li jiġi pprevjenut is-sussidju reċiproku mhux xieraq inkluż billi jiġu kkunsidrati l-valutazzjonijiet tal-allokazzjoni tal-ispejjeż stipulati fl-Artikolu 5;

(d)

jiġi żgurat li f'sistema ta' dħul u ħruġ, ma jiġix assenjat riskju tal-volum sinifikanti lill-konsumaturi finali b'mod partikolari għat-trasporti bejn is-sistemi ta' dħul u ħruġ;

(e)

jiġi żgurat li l-prezzijiet ta' referenza li jirriżultaw ma jfixklux il-kummerċ transkonfinali.

Artikolu 8

Metodoloġija ta' prezz ta' referenza ta' kapaċità bbażata fuq id-distanza

1.   Il-parametri għall-metodoloġija ta' prezz ta' referenza ta' kapaċità bbażata fuq id-distanza għandhom ikunu kif ġej:

(a)

il-parti mid-dħul mis-servizzi ta' trażmissjoni li għandu jiġi rkuprat mit-tariffi ta' trażmissjoni bbażata fuq il-kapaċità;

(b)

il-kapaċità kuntrattata mbassra għal kull punt ta' dħul jew raggruppament ta' punti ta' dħul u għal kull punt ta' ħruġ jew raggruppament ta' punti ta' ħruġ;

(c)

fejn il-punti ta' dħul u l-punti ta' ħruġ jistgħu jiġu kkumbinati f'xenarju ta' fluss rilevanti, l-iqsar distanza tar-rotot tal-pipeline bejn punt ta' dħul jew raggruppament ta' punti ta' dħul u punt ta' ħruġ jew raggruppament ta' punti ta' ħruġ;

(d)

il-kombinazzjonijiet ta' punti ta' dħul u ta' ħruġ, fejn xi punti ta' dħul u xi punti ta' ħruġ jistgħu jiġu kkombinati f'xenarju ta' fluss rilevanti;

(e)

il-qsim bejn id-dħul u l-ħruġ imsemmija fl-Artikolu 30(1)(b)(v)(2) għandha tkun ta' 50/50.

Fejn il-punti ta' dħul u l-ħruġ ma jistgħux jiġu kkombinati f'xenarju ta' fluss, din il-kombinazzjoni ta' punti ta' dħul u ħruġ m'għandhiex tiġi kkunsidrata.

2.   Il-prezzijiet ta' referenza għandhom jiġu derivati fil-passi sekwenzjali li ġejjin:

(a)

id-distanza medja mkejla għal kull punt ta' dħul jew kull raggruppament ta' punti ta' dħul u għal kull punt ta' ħruġ jew kull raggruppament ta' punti ta' ħruġ għandha tiġi kkalkulata, meħud kont, fejn ikun rilevanti, tal-kombinazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1(d), f'konformità mal-formuli rispettivi li ġejjin:

(i)

għal kull punt ta' dħul jew raggruppament ta' punti ta' dħul, bħala l-ammont totali tal-prodotti ta' kapaċità f'kull punt ta' ħruġ jew raggruppament ta' punti ta' ħruġ u d-distanza minn dan il-punt ta' dħul jew raggruppament ta' punti ta' dħul għal kull punt ta' ħruġ jew raggruppament ta' punti ta' ħruġ, diviż mill-ammont totali tal-kapaċitajiet f'kull punt ta' ħruġ jew raggruppament ta' punti ta' ħruġ:

Formula

Fejn:

 

ADEn hija d-distanza medja mkejla għal punt ta' dħul jew raggruppament ta' punti ta' dħul;

 

CAPEx hija l-kapaċità kuntrattata mbassra f'punt ta' ħruġ jew f'raggruppament ta' punti ta' ħruġ;

 

DEn,Ex hija d-distanza bejn punt ta' dħul speċifiku jew raggruppament ta' punti ta' dħul u punt ta' ħruġ speċifiku jew raggruppament ta' punti ta' ħruġ imsemmija fil-paragrafu 1(c).

(ii)

għal kull punt ta' ħruġ jew raggruppament ta' punti ta' ħruġ, bħala l-ammont totali tal-prodotti ta' kapaċità f'kull punt ta' dħul jew raggruppament ta' punti ta' dħul u d-distanza għal dan il-punt ta' ħruġ jew raggruppament ta' punti ta' ħruġ minn kull punt ta' dħul jew raggruppament ta' punti ta' dħul, diviż mill-ammont totali tal-kapaċitajiet f'kull punt ta' dħul jew raggruppament ta' punti ta' dħul:

Formula

Fejn:

 

ADEx hija d-distanza medja mkejla għal punt ta' ħruġ jew raggruppament ta' punti ta' ħruġ;

 

CAPEn hija l-kapaċità kuntrattata mbassra f'punt ta' dħul jew f'raggruppament ta' punti ta' dħul;

 

DEn,Ex hija d-distanza bejn punt ta' dħul speċifiku jew raggruppament ta' punti ta' dħul u punt ta' ħruġ speċifiku jew raggruppament ta' punti ta' ħruġ imsemmija fil-paragrafu 1(c).

(b)

il-piż tal-ispejjeż għal kull punt ta' dħul jew kull raggruppament ta' punti ta' dħul u għal kull punt ta' ħruġ jew kull raggruppament ta' punti ta' ħruġ għandu jiġi kkalkulat f'konformità mal-formuli rispettivi li ġejjin:

 

Formula

 

Formula

Fejn:

 

Wc,En hija l-piż tal-ispejjeż għal punt ta' dħul speċifiku jew raggruppament ta' punti ta' dħul;

 

Wc,Ex hija l-piż tal-ispejjeż għal punt ta' ħruġ speċifiku jew raggruppament ta' punti ta' ħruġ;

 

ADEn hija d-distanza medja mkejla għal punt ta' dħul jew raggruppament ta' punti ta' dħul;

 

ADEx hija d-distanza medja mkejla għal punt ta' ħruġ jew raggruppament ta' punti ta' ħruġ;

 

CAPEn hija l-kapaċità kuntrattata mbassra f'punt ta' dħul jew f'raggruppament ta' punti ta' dħul;

 

CAPEx hija l-kapaċità kuntrattata mbassra f'punt ta' ħruġ jew f'raggruppament ta' punti ta' ħruġ.

(c)

il-parti mid-dħul tas-servizzi tat-trażmissjoni li għandha tiġi rkuprata mit-tariffi ta' trażmissjoni bbażata fuq il-kapaċità fil-punti kollha ta' dħul u l-parti mid-dħul tas-servizzi tat-trażmissjoni li għandha tiġi rkuprata mit-tariffi għat-trażmissjoni bbażata fuq il-kapaċità fil-punti kollha ta' ħruġ għandha tiġi identifikata billi jiġi applikat qsim bejn id-dħul u l-ħruġ;

(d)

il-parti mid-dħul tas-servizzi tat-trażmissjoni li għandha tiġi rkuprata mit-tariffi ta' trażmissjoni bbażata fuq il-kapaċità għal kull punt ta' dħul jew kull raggruppament ta' punti ta' dħul u għal kull punt ta' ħruġ jew kull raggruppament ta' punti ta' ħruġ għandha tiġi kkalkulata f'konformità mal-formuli rispettivi li ġejjin:

 

REn = Wc,En × RΣEn

 

REx = Wc,Ex × RΣEx

Fejn:

 

Wc,En hija l-piż tal-ispejjeż għal punt ta' dħul speċifiku jew raggruppament ta' punti ta' dħul;

 

Wc,Ex hija l-piż tal-ispejjeż għal punt ta' ħruġ speċifiku jew raggruppament ta' punti ta' ħruġ;

 

REn hija l-parti mid-dħul tas-servizzi ta' trażmissjoni li għandha tiġi rkuprata mit-tariffi ta' trażmissjoni bbażata fuq il-kapaċità f'punt ta' dħul jew raggruppament ta' punti ta' dħul;

 

REx hija l-parti mid-dħul tas-servizzi ta' trażmissjoni li għandha tiġi rkuprata mit-tariffi ta' trażmissjoni bbażata fuq il-kapaċità f'punt ta' ħruġ jew raggruppament ta' punti ta' ħruġ;

 

RΣEn hija l-parti mid-dħul tas-servizzi ta' trażmissjoni li għandha tiġi rkuprata mit-tariffi ta' trażmissjoni bbażata fuq il-kapaċità fil-punti kollha ta' dħul;

 

RΣEx hija l-parti mid-dħul tas-servizzi ta' trażmissjoni li għandha tiġi rkuprata mit-tariffi ta' trażmissjoni bbażata fuq il-kapaċità fil-punti kollha ta' ħruġ.

(e)

il-valuri li jirriżultaw imsemmija fil-punt (d) għandhom jiġu diviżi mill-kapaċità kuntrattata mbassra f'kull punt ta' dħul jew kull raggruppament ta' punti ta' dħul u f'kull punt ta' ħruġ jew kull raggruppament ta' punti ta' ħruġ f'konformità mal-formuli rispettivi li ġejjin:

 

Formula

 

Formula

Fejn:

 

TEn huwa l-prezz ta' referenza f'kull punt ta' dħul jew kull punt ta' dħul f'raggruppament ta' punti ta' dħul;

 

TEx huwa l-prezz ta' referenza f'kull punt ta' ħruġ jew kull punt ta' ħruġ f'raggruppament ta' punti ta' ħruġ;

 

CAPEn hija l-kapaċità kuntrattata mbassra f'punt ta' dħul jew raggruppament ta' punti ta' dħul;

 

CAPEx hija l-kapaċità kuntrattata mbassra f'punt ta' ħruġ jew f'raggruppament ta' punti ta' ħruġ.

Artikolu 9

Aġġustament tat-tariffi fil-punti ta' dħul minn u punti ta' ħruġ lejn faċilitajiet tal-ħżin u fil-punti ta' dħul minn faċilitajiet u infrastrutturi ta' LNG bl-għan li tintemm l-iżolazzjoni

1.   Għandu jiġi applikat skont ta' mill-inqas 50 % għat-tariffi tat-trażmissjoni bbażata fuq il-kapaċità fil-punti ta' dħul u l-punti ta' ħruġ għall-faċilitajiet tal-ħżin sakemm u safejn ikun possibbli li tintuża faċilità tal-ħżin konnessa ma' aktar minn netwerk wieħed ta' trażmissjoni jew distribuzzjoni biex tikkompeti ma' punt ta' interkonnessjoni.

2.   Fil-punti ta' dħul minn faċilitajiet ta' LNG, u f'punti ta' dħul minn u f'punti ta' ħruġ lejn infrastrutturi żviluppati bl-għan li tintemm l-iżolazzjoni tal-Istati Membri b'rabta mas-sistemi tagħhom ta' trażmissjoni tal-gass, jista' jiġi applikat skont fuq it-tariffi rispettivi għat-trażmissjoni bbażata fuq il-kapaċità għall-iskopijiet relatati maż-żieda tas-sigurtà tal-provvista.

Artikolu 10

Regoli għal sistemi ta' dħul u ħruġ fi Stat Membru fejn aktar minn operatur wieħed ta' sistema ta' trażmissjoni huwa attiv

1.   F'konformità mal-Artikolu 6(3), l-istess metodoloġija ta' prezz ta' referenza għandha tiġi applikata b'mod konġunt mill-operaturi kollha tas-sistemi ta' trażmissjoni f'sistema ta' dħul u ħruġ fi Stat Membru.

2.   Bħala eċċezzjoni għall-paragrafu 1 u soġġetta għall-paragrafu 3, l-awtorità regolatorja nazzjonali tista' tiddeċiedi:

(a)

li l-istess metodoloġija ta' prezz ta' referenza tiġi applikata separatament minn kull operatur tas-sistema ta' trażmissjoni f'sistema ta' dħul u ħruġ;

(b)

bħala eċċezzjoni għall-Artikolu 6(3), fl-ippjanar ta' fużjonijiet bejn is-sistemi ta' dħul u ħruġ, fuq il-passi intermedji li jippermettu li l-metodoloġiji differenti tal-prezz ta' referenza jiġu applikati separatament minn kull operatur tas-sistema ta' trażmissjoni fis-sistemi kkonċernati ta' dħul u ħruġ. Din id-deċiżjoni għandha tistabbilixxi l-perjodu taż-żmien għall-applikazzjoni tal-passi intermedji. L-awtorità regolatorja nazzjonali jew l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni, skont kif deċiż mill-awtorità regolatorja nazzjonali, għandhom iwettqu valutazzjoni tal-impatt u analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji qabel l-implimentazzjoni ta' dawn il-passi intermedji.

Bħala riżultat tal-applikazzjoni separata ta' metodoloġiji tal-prezz ta' referenza differenti, id-dħul mis-servizzi tat-trażmissjoni tal-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni involuti għandu jiġi aġġustat.

3.   Sabiex tiġi permessal-applikazzjoni xierqa tal-istess metodoloġija tal-prezz ta' referenza b'mod konġunt, għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' kumpens għal operatur ta' sistema ta' intertrażmissjoni.

Id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 2(a) jew, rispettivament, il-paragrafu 2(b) tista' tittieħed fejn il-kundizzjonijiet li ġejjin jiġu ssodisfati:

(a)

il-mekkaniżmu ta' kumpens għal operatur ta' sistema ta' intertrażmissjoni għandu jiġi stabbilit bl-għan li:

(i)

jevita effetti ta' ħsara fuq id-dħul mis-servizzi tat-trażmissjoni tal-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni involuti;

(ii)

jevita s-sussidju reċiproku bejn l-użu intrasistemiku u intersistemiku tan-netwerk;

(b)

din l-applikazzjoni separata tiżgura l-ispejjeż jikkorrespondu ma' dawk ta' operatur tas-sistema ta' trażmissjoni effiċjenti.

4.   Il-perjodu ta' żmien massimu stipulat fid-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 2(a) jew, rispettivament, il-paragrafu 2(b) għandu jkun ta' mhux aktar tard minn ħames snin mid-data msemmija fl-Artikolu 38(2). Biżżejjed żmien qabel id-data stipulata f'dik id-deċiżjoni, l-awtorità regolatorja nazzjonali tista' tiddeċiedi li tipposponi din id-data.

5.   Fl-istess żmien tal-konsultazzjoni finali f'konformità mal-Artikolu 26, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha twettaq konsultazzjoni fuq il-prinċipji tal-mekkaniżmu ta' kumpens għal operatur ta' sistema ta' intertrażmissjoni msemmi fil-paragrafu 3 u l-konsegwenzi tiegħu fuq il-livelli tat-tariffi. Il-mekkaniżmu ta' kumpens għal operatur ta' sistema ta' intertrażmissjoni għandu jiġi applikat f'konformità mal-Artikolu 41(6)(a) tad-Direttiva 2009/73/KE u ppubblikat flimkien mar-rispons tal-konsultazzjoni rċevut.

6.   Il-prezz ta' riżerva msemmi fl-Artikolu 22(1) għandu jiġi kkalkulat kif stipulat fih. Fejn jiġi applikat il-paragrafu 2, jitwettqu ż-żewġ kalkoli li ġejjin:

(a)

il-kalkolu stipulat fl-Artikolu 22(1) għandu jitwettqa minn kull operatur tas-sistema ta' trażmissjoni involut;

(b)

il-medja mkejla tal-valuri li jirriżultaw imsemmija fil-punt (a) għandha tiġi kkalkulata f'konformità mal-formula stipulata fl-Artikolu 22(1)(b), mutatis mutandis.

7.   Il-konsultazzjoni finali msemmija fl-Artikolu 26 għandha titmexxa mill-operaturi kollha tas-sistemi ta' trażmissjoni b'mod konġunt jew mill-awtorità regolatorja nazzjonali. Fejn japplika l-paragrafu 2, din il-konsultazzjoni għandha titmexxa minn kull operatur tas-sistema ta' trażmissjoni b'mod separat jew mill-awtorità regolatorja nazzjonali, skont kif deċiż mill-awtorità regolatorja nazzjonali.

8.   L-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 29 u 30 għandha tiġi ppubblikata fuq livell aggregat għall-operaturi kollha tas-sistemi ta' trażmissjoni involuti. Fejn jiġi applikat il-paragrafu 2, jitwettqu ż-żewġ azzjonijiet li ġejjin:

(a)

din l-informazzjoni għandha tiġi ppubblikata individwalment għal kull operatur ta' sistema ta' trażmissjoni involut;

(b)

l-informazzjoni dwar il-qsim bejn id-dħul u l-ħruġ imsemmi fl-Artikolu 30(1)(b)(v)(2) għas-sistema ta' dħul u ħruġ għandha tiġi ppubblikata mill-awtorità regolatorja nazzjonali.

Artikolu 11

Regoli għas-sistemi ta' dħul u ħruġ li jkopru aktar minn Stat Membru wieħed fejn aktar minn operatur wieħed ta' sistema ta' trażmissjoni huwa attiv

L-istess metodoloġija ta' prezz ta' referenza tista' tiġi applikata b'mod konġunt jew b'mod separat jew metodoloġiji differenti ta' prezz ta' referenza jistgħu jiġu applikati b'mod separat meta aktar minn operatur wieħed ta' sistema ta' trażmissjoni huwa attiv f'sistema ta' dħul u ħruġ li tkopri aktar minn Stat Membru wieħed.

KAPITOLU III

PREZZIJIET TA' RIŻERVA

Artikolu 12

Dispożizzjonijiet Ġenerali

1.   Għall-prodotti annwali ta' kapaċità standard għall-kapaċità kostanti, il-prezzijiet ta' referenza għandhom jintużaw bħala prezzijiet ta' riżerva. Għall-prodotti mhux annwali ta' kapaċità standard għall-kapaċità kostanti, il-prezzijiet ta' riżerva għandhom jiġu kkalkulati kif stipulat f'dan il-Kapitolu. Għall-prodotti kemm annwali kif ukoll mhux annwali ta' kapaċità standard għall-kapaċità interrompibbli, il-prezzijiet ta' riżerva għandhom jiġu kkalkulati kif stipulat f'dan il-Kapitolu. Il-livelli tal-multiplikaturi u tal-fatturi staġunali, stipulati f'konformità mal-Artikolu 13, u l-livell tal-iskontijiet għall-prodotti ta' kapaċità standard għall-kapaċità interrompibbli, stipulati f'konformità mal-Artikolu 16, jistgħu jkunu differenti fil-punti ta' interkonnessjoni.

2.   Fejn il-perjodu tat-tariffi u s-sena tal-gass ma jaqblux, jistgħu jiġu applikati prezzijiet ta' riżerva separati, rispettivament:

(a)

għall-perjodu ta' żmien mill-1 ta' Ottubru sal-aħħar tal-perjodu tariffarju prevalenti; kif ukoll

(b)

għall-perjodu ta' żmien mill-bidu tal-perjodu tariffarju li jiġi wara l-perjodu tariffarju prevalenti sat-30 ta' Settembru.

3.   Il-prezzijiet ta' riżerva rispettivi ppubblikati skont l-Artikolu 29 għandhom ikunu vinkolanti għas-sena tal-gass sussegwenti jew lil hinn mis-sena tal-gass sussegwenti fil-każ ta' prezz pagabbli fiss, u jibdew wara l-irkant ta' kull sena għall-kapaċità annwali, sakemm:

(a)

l-iskontijiet għall-prodotti ta' kapaċità standard ta' kuljum u ta' kull xahar għall-kapaċità interompibbli jiġu kkalkulati mill-ġdid fil-perjodu tariffarju jekk il-probabbiltà tal-interruzzjoni msemmija fl-Artikolu 16 tinbidel b'aktar minn għoxrin fil-mija;

(b)

il-prezz ta' referenza jiġi kkalkulat mill-ġdid matul il-perjodu tariffarju minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali li fihom in-nuqqas ta' aġġustament tal-livelli tariffarji jqiegħed f'periklu l-operazzjoni tal-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni.

Artikolu 13

Livell tal-multiplikaturi u fatturi staġunali

1.   Il-livell tal-multiplikaturi għandu jaqa' fil-firxiet li ġejjin:

(a)

għall-prodotti ta' kapaċità standard trimestrali u għall-prodotti ta' kapaċità standard ta' kull xahar, il-livell tal-multiplikatur rispettiv għandu jkun mhux inqas minn 1, u mhux aktar minn 1,5;

(b)

għall-prodotti ta' kapaċità standard ta' kuljum u għall-prodotti ta' kapaċità standard tal-istess jum, il-livell tal-multiplikatur rispettiv għandu jkun mhux inqas minn 1, u mhux aktar minn 3. F'każijiet dovutament ġustifikati, il-livell tal-multiplikaturi rispettivi jista' jkun inqas minn 1, iżda ogħla minn 0, jew ogħla minn 3.

2.   Meta japplikaw fatturi staġunali, il-medja aritmetika fuq is-sena tal-gass tal-prodott tal-multiplikatur applikabbli għall-prodott ta' kapaċità standard rispettiv u l-fatturi staġunali rilevanti għandhom ikunu fl-istess medda bħal dik tal-livell tal-multiplikaturi rispettivi stipulati fil-paragrafu 1.

3.   Sal-1 ta' April 2023, il-livell massimu tal-multiplikaturi għall-prodotti ta' kapaċità standard ta' kuljum u għall-prodotti ta' kapaċità standard tal-istess jum għandu jkun ta' mhux aktar minn 1,5, jekk sal-1 ta' April 2021 l-Aġenzija toħroġ rakkomandazzjoni f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 713/2009 li l-livell massimu tal-multiplikaturi għandu jitnaqqas għal dan il-livell. Din ir-rakkomandazzjoni għandha tieħu kont tal-aspetti li ġejjin relatati mal-użu tal-multiplikaturi u l-fatturi staġunali qabel u mill-31 ta' Mejju 2019:

(a)

tibdil fil-mudelli tal-prenotazzjonijiet;

(b)

impatt fuq id-dħul tas-servizzi ta' trażmissjoni u l-irkupru tiegħu;

(c)

id-differenzi bejn il-livell tat-tariffi tat-trażmissjoni applikabbli għal żewġ perjodi tariffarji konsekuttivi;

(d)

is-sussidju reċiproku bejn l-utenti tan-netwerk li jkunu kkuntrattaw prodotti ta' kapaċità standard annwali u mhux annwali;

(e)

l-impatti fuq il-flussi transkonfinali.

Artikolu 14

Kalkolu tal-prezzijiet ta' riżerva għal prodotti ta' kapaċità standard mhux annwali għall-kapaċità kostanti fin-nuqqas ta' fatturi staġunali

Għall-prezzijiet ta' riżerva għall-prodotti ta' kapaċità standard mhux annwali għall-kapaċità kostanti għandhom jiġu kkalkulati kif ġej:

(a)

għall-prodotti ta' kapaċità standard trimestrali, għall-prodotti ta' kapaċità standard ta' kull xahar u l-prodotti ta' kapaċità standard ta' kuljum, f'konformità mal-formula li ġejja:

Pst = (M × T / 365) × D

Fejn:

 

Pst huwa l-prezz ta' riżerva tal-prodott ta' kapaċità standard;

 

M huwa l-livell tal-multiplikatur li jikkorrispondi mal-prodott ta' kapaċità standard rispettiv;

 

T huwa l-prezz ta' referenza;

 

D huwa t-tul tal-prodott ta' kapaċità standard rispettiv espress fi ġranet ta' gass.

Għas-snin biżestili, il-formula għandha tiġi aġġustata sabiex il-figura 365 tiġi sostitwita bil-figura 366.

(b)

għall-prodotti ta' kapaċità standard tal-istess jum, f'konformità mal-formula li ġejja:

Pst = (M × T / 8760) × H

Fejn:

 

Pst huwa l-prezz ta' riżerva tal-prodott ta' kapaċità standard tal-istess jum;

 

M huwa l-livell tal-multiplikatur korrespondenti;

 

T huwa l-prezz ta' referenza;

 

H huwa t-tul tal-prodott ta' kapaċità standard tal-istess jum espress f'sigħat.

Għas-snin biżestili, il-formula għandha tiġi aġġustata sabiex il-figura 8760 tiġi sostitwita bil-figura 8784.

Artikolu 15

Kalkolu tal-prezzijiet ta' riżerva għal prodotti ta' kapaċità standard mhux annwali għall-kapaċità kostanti b'fatturi staġunali

1.   Meta jiġu applikati fatturi staġunali, il-prezzijiet ta' riżerva għall-prodotti ta' kapaċità standard mhux annwali għall-kapaċità kostanti għandhom jiġu kkalkulati f'konformità mal-formuli rilevanti stipulati fl-Artikolu 14, imbagħad jiġu multiplikati mill-fattur staġunali rispettiv ikkalkulat kif stipulat fil-paragrafi 2 sa 6.

2.   Il-metodoloġija stipulata fil-paragrafu 3 għandha tkun ibbażata fuq il-flussi previsti, sakemm il-kwantità tal-fluss tal-gass għal tal-inqas xahar tkun daqs 0. F'dan il-każ, il-metodoloġija għandha tkun ibbażata fuq il-kapaċità kuntrattata mbassra.

3.   Għall-prodotti ta' kapaċità standard ta' kull xahar għall-kapaċità kostanti, il-fatturi staġunali għandhom jiġu kkalkulati bil-passi li ġejjin:

(a)

għal kull xahar fi żmien sena ta' gass speċifika l-użu tas-sistema ta' trażmissjoni għandu jiġi kkalkulat abbażi tal-flussi previsti jew kapaċità kuntrattata mbassra bl-użu ta':

(i)

d-dejta għall-punt ta' interkonnessjoni individwali, fejn il-fatturi staġunali huma kkalkulati għal kull punt ta' interkonnessjoni;

(ii)

id-dejta medja dwar il-flussi previsti jew il-kapaċità kuntrattata mbassra, fejn il-fatturi staġunali huma kkalkulati għal uħud mill-punti ta' interkonnessjoni jew kollha kemm huma.

(b)

il-valuri li jirriżultaw imsemmija fil-punt (a) għandhom jingħaddu flimkien;

(c)

ir-rata tal-użu għandha tiġi kkalkulata billi jiġi diviż kull wieħed mill-valuri li jirriżulta msemmija fil-punt (a) mill-valur li jirriżulta msemmi fil-punt (b);

(d)

kull wieħed mill-valuri li jirriżultaw imsemmija fil-punt (c) għandu jiġi multiplikat bi 12. Fejn il-valuri li jirriżultaw ikunu 0, dawn il-valuri għandhom jiġu aġġustati għall-aktar valur baxx minn dawn li ġejjin: 0,1 jew l-iktar valur baxx mill-valuri li jirriżultaw, għajr 0;

(e)

il-livell inizjali tal-fatturi staġunali rispettivi għandu jiġi kkalkulat billi kull wieħed mill-valuri li jirriżultaw imsemmija fil-punt (d) jogħla għall-istess qawwa li hija mhux inqas minn 0 u mhux aktar minn 2;

(f)

għandhom jiġu kkalkulati l-medja aritmetika tal-prodotti tal-valuri li jirriżultaw imsemmija fil-punt (e) u l-multiplikatur għall-prodotti ta' kapaċità standard ta' kull xahar;

(g)

il-valur li jirriżulta u li huwa msemmi fil-punt (f) għandu jiġi mqabbel mal-medda msemmija fl-Artikolu 13(1), kif ġej:

(i)

jekk dan il-valur jaqa' f'din il-medda, il-livell tal-fatturi staġunali għandu jkun ugwali għall-valuri li jirriżultaw rispettivi msemmija fil-punt (e);

(ii)

jekk dan il-valur ma jaqax f'din il-medda, għandu japplika l-punt (h).

(h)

il-livell tal-fatturi staġunali għandu jiġi kkalkulat bħala l-prodott tal-valuri riżultanti rispettivi msemmija fil-punt (e) u l-fattur tal-korrezzjoni kkalkulat kif ġej:

(i)

fejn il-fattur li jirriżulta msemmi fil-punt (f) huwa aktar minn 1,5, il-fattur ta' korrezzjoni għandu jiġi kkalkulat bħala 1,5 diviż minn dan il-valur;

(ii)

fejn il-fattur li jirriżulta msemmi fil-punt (f) huwa aktar minn 1, il-fattur ta' korrezzjoni għandu jiġi kkalkulat bħala 1 diviż minn dan il-valur.

4.   Għall-prodotti ta' kapaċità standard ta' kuljum għall-kapaċità kostanti u prodotti ta' kapaċità standard tal-istess jum għall-kapaċità kostanti, il-fatturi staġunali għandhom jiġu kkalkulati billi jitwettqu l-passi stipulati fil-paragrafu 3(f) sa (h), mutatis mutandis.

5.   Għall-prodotti ta' kapaċità standard trimestrali għall-kapaċità kostanti, il-fatturi staġunali għandhom jiġu kkalkulati bil-passi sekwenzjali kif ġej:

(a)

il-livell inizjali tal-fatturi staġunali rispettivi għandu jiġi kkalkulat bħala wieħed minn dawn li ġejjin:

(i)

daqs il-medja aritmetika tal-fatturi staġunali rispettivi applikabbli għal tliet xhur rilevanti;

(ii)

mhux inqas mill-iktar livell baxx u mhux iktar mill-ogħla livell ta' fatturi staġunali rispettivi applikabbli għat-tliet xhur rilevanti.

(b)

il-passi stipulati fil-paragrafu 3(f) sa (h) għandhom jitwettqu, bl-użu tal-valuri li jirriżultaw imsemmija fil-punt (a), mutatis mutandis.

6.   Għall-prodotti ta' kapaċità standard mhux annwali għall-kapaċità kostanti, il-valuri li jirriżultaw mill-kalkolu msemmi fil-paragrafi 3 sa 5 jistgħu jiġu mqarrba.

Artikolu 16

Kalkolu tal-prezzijiet ta' riżerva għal prodotti ta' kapaċità standard għall-kapaċità interrompibbli

1.   Il-prezzijiet ta' riżerva għall-prodotti ta' kapaċità standard għall-kapaċità interrompibbli għandhom jiġu kkalkulati billi jiġu mmultiplikati l-prezzijiet ta' riżerva tal-prodotti ta' kapaċità standard għall-kapaċità kostanti rispettivi kkalkulati kif stipulat fl-Artikoli 14 jew 15, kif rilevanti, bid-differenza bejn 100 % u l-livell ta' skont ex-ante kkalkulat kif stipulat fil-paragrafi 2 u 3.

2.   L-iskont ex-ante għandu jiġi kkalkulat skont il-formola li ġejja:

 

Diex-ante = Pro × A × 100 %

Fejn:

 

Diex-ante huwa l-livell tal-iskont ex-ante;

 

Pro fattur huwa l-probabbiltà tal-interruzzjoni, li huwa stabbilit jew approvat f'konformità mal-Artikolu 41(6)(a) tad-Direttiva 73/2009/KE skont l-Artikolu 28, u li jirreferi għat-tip ta' prodott ta' kapaċità standard għall-kapaċità interrompibbli;

 

A huwa l-fattur ta' aġġustament, li jiġi stipulat jew approvat f'konformità mal-Artikolu 41(6)(a) tad-Direttiva 2009/73/KE skont l-Artikolu 28, applikat biex jirrifletti l-valur ekonomiku stmat tat-tip ta' prodott ta' kapaċità standard għall-kapaċità interrompibbli, ikkalkulata għal kull wieħed, uħud minn jew il-punti kollha ta' interkonnessjoni, li għandu jkun ta' mhux inqas minn 1.

3.   Il-fattur Pro imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jiġi kkalkulat għal kull, uħud minn jew għall-punti kollha ta' interkonnessjoni għal kull tip ta' prodott ta' kapaċità standard għall-kapaċità interrompibbli offrut f'konformità mal-formula li ġejja abbażi tal-informazzjoni mbassra relatata mal-komponenti ta' din il-formula:

 

Formula

Fejn:

 

N hija t-tbassira tan-numru ta' interruzzjonijiet fuq D;

 

Dint huwa t-tul medju tal-interruzzjonijiet mistennija espress f'sigħat;

 

D huwa t-tul totali tat-tip ta' prodott ta' kapaċità standard għall-kapaċità interrompibbli rispettiv espress f'sigħat;

 

CAPav. int huwa l-ammont medju mbassar ta' kapaċità interrotta għal kull interruzzjoni fejn dan l-ammont huwa relatat mat-tip rispettiv ta' prodott ta' kapaċità standard għall-kapaċità interrompibbli;

 

CAP huwa l-ammont totali ta' kapaċità interrompibbli għat-tip rispettiv ta' prodott ta' kapaċità standard għall-kapaċità interrompibbli.

4.   Bħala alternattiva għall-applikazzjoni tal-iskontijiet ex-ante f'konformità mal-paragrafu 1, l-awtorità regolatorja nazzjonali tista' tiddeċiedi li tapplika skont ex-post, fejn l-utenti tan-netwerk jiġu kkompensati wara li jkunu seħħew l-interruzzjonijiet attwali. Dan l-iskont ex-post jista' jintuża biss f'punti ta' interkonnessjoni fejn ma hemm ebda interruzzjoni tal-kapaċità minħabba l-konġestjoni fiżika fis-sena tal-gass preċedenti.

Il-kumpens ex-post imħallas għal kull jum li fih tkun seħħet interruzzjoni għandu jkun bejn indaqs għal tliet darbiet il-prezz ta' riżerva tal-prodotti ta' kapaċità standard ta' kuljun għall-kapaċità kostanti.

KAPITOLU IV

RIKONĊILJAZZJONI TAD-DĦUL

Artikolu 17

Dispożizzjonijiet Ġenerali

1.   Fejn u safejn ikun possibbli li l-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni jiffunzjona bħala parti minn reġim mingħajr regolazzjoni tal-limitu massimu tal-prezzijiet, għandhom japplikaw il-prinċipji li ġejjin:

(a)

l-irkupru insuffiċjenti jew l-irkupru żejjed tad-dħul tas-servizzi ta' trażmissjoni għandu jiġi minimizzat b'rigward dovut għall-investimenti neċessarji;

(b)

il-livell tat-tariffi tat-trażmissjoni għandu jiżgura li d-dħul mis-servizzi tat-trażmissjoni jiġi rkuprat mill-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni fi żmien xieraq;

(c)

għandu jiġi evitat, safejn ikun possibbli, li jkun hemm differenzi sinifikanti bejn il-livelli tat-tariffi tat-trażmissjoni applikabbli għal żewġ perjodi tariffarji konsekuttivi.

2.   Meta u safejn ikun possibbli li l-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni jiffunzjona bħala parti minn reġim ta' regolazzjoni tal-limitu massimu tal-prezzijiet jew japplika approċċ ta' prezz pagabbli fiss stabbilit fl-Artikolu 24(b), ma għandha ssir ebda rikonċiljazzjoni tad-dħul u r-riskji kollha relatati mal-irkupru insuffiċjenti jew żejjed għandhom jiġu koperti esklużivament mil-primjum tar-riskju. F'dawn il-każijiet, l-Artikoli 18, 19(1) sa (4) u 20 ma għandhomx japplikaw.

3.   Soġġett għar-rekwiżiti tal-konsultazzjonijiet perjodiċi skont l-Artikolu 26 u soġġett għall-approvazzjoni f'konformità mal-Artikolu 41(6)(a) tad-Direttiva 2009/73/KE, id-dħul mis-servizzi mhux ta' trażmissjoni jista' jiġi rikonċiljat kif stipulat f'dan il-Kapitolu, mutatis mutandis.

Artikolu 18

Irkupru insuffiċjenti u rkupru żejjed

1.   L-irkupru insuffiċjenti jew l-irkupru żejjed tad-dħul tas-servizzi ta' trażmissjoni għandu jkun ugwali għal:

 

RA – R

Fejn:

 

RA huwa d-dħul attwalment miksub relatat mal-għoti ta' servizzi ta' trażmissjoni;

 

R huwa d-dħul mis-servizzi ta' trażmissjoni.

Il-valuri ta' RA and R għandhom ikunu attribwiti għall-istess perjodu tariffarju u, fejn ikun hemm stabbilit mekkaniżmu ta' kumpens għal operatur ta' sistema ta' intertrażmissjoni msemmi fl-Artikolu 10(3), għandhom iqisu dan il-mekkaniżmu.

2.   Meta d-differenza kkalkulata f'konformità mal-paragrafu 1 hija pożittiva, għandha tindika rkupru żejjed tad-dħul mis-servizzi ta' trażmissjoni. Meta din d-differenza tkun negattiva, għandha tindika rkupru insuffiċjenti tad-dħul mis-servizzi ta' trażmissjoni.

Artikolu 19

Kont regolatorju

1.   Il-kont regolatorju għandu jindika l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 18(1) għal perjodu ta' tariffa speċifiku u għandu jinkludi informazzjoni oħra, bħad-differenza bejn il-komponenti tal-ispiża antiċipati u attwali.

2.   L-irkupru insuffiċjenti jew żejjed tad-dħul tas-servizzi ta' trażmissjoni tal-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni għandu jiġi attribwit lill-kont regolatorju, sakemm ma jiddaħħlux fis-seħħ regoli oħrajn f'konformità mal-Artikolu 41(6)(a) tad-Direttiva 2009/73/KE.

3.   Meta l-mekkaniżmi għall-inċentivi għall-bejgħ tal-kapaċità jiġu implimentati, soġġett għal deċiżjoni f'konformità mal-Artikolu 41(6)(a) tad-Direttiva 73/2009/KE, parti biss mill-irkupru insuffiċjenti jew żejjed ta' operatur ta' trażmissjoni għandu jiġi attribwit lill-kont regolatorju. F'dan il-każ, il-parti residwali tiegħu għandha tinżamm jew titħallas, skont kif relevanti, mill-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni.

4.   Kull operatur ta' sistema ta' trażmissjoni għandu juża kont regolatorju wieħed.

5.   Soġġett għad-deċiżjoni f'konformità mal-Artikolu 41(6)(a) tad-Direttiva 2009/73/KE, il-primjum tal-irkant miksub, jekk ikun hemm, jista' jiġi attribwit għal kont speċifiku separat mill-kont regolatorju msemmi fil-paragrafu 4. L-awtorità regolatorja nazzjonali tista' tiddeċiedi li tuża dan il-primjum tal-irkant għat-tnaqqis tal-konġestjoni fiżika jew, fejn l-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni jiffunzjona biss bħala parti minn reġim mingħajr regolazzjoni tal-limitu massimu tal-prezzijiet, li jnaqqas it-tariffi tat-trażmissjoni għall-perjodu(i) tariffarju(i) sussegwenti kif stipulat fl-Artikolu 20.

Artikolu 20

Rikonċiljazzjoni tal-kont regolatorju

1.   Ir-rikonċiljazzjoni sħiħa jew parzjali tal-kont regolatorju għandha titwettaq f'konformità mal-metodoloġija applikata tal-prezz ta' referenza u, barra minn hekk, bl-użu tal-imposta msemmija fl-Artikolu 4(3)(b), jekk din tiġi applikata.

2.   Ir-rikonċiljazzjoni tal-kont regolatorju għandha titwettaq f'konformità mar-regoli maħruġa f'konformità mal-Artikolu 41(6)(a) tad-Direttiva 2009/73/KE fuq perjodu ta' rikonċiljazzjoni partikolari, li jfisser il-perjodu ta' żmien li matulu l-kont regolatorju msemmi fl-Artikolu 19 jista' jiġi rikonċiljat.

3.   Il-kont regolatorju għandu jiġi rikonċiljat bl-għan li l-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni jiġi rimburżat l-irkupru insuffiċjenti u li l-utenti tan-netwerk jingħataw lura l-irkupru żejjed.

KAPITOLU V

L-IPPREZZAR TAL-KAPAĊITÀ RAGGRUPPATA U L-KAPAĊITÀ F'PUNTI TA' INTERKONNESSJONI VIRTWALI

Artikolu 21

L-ipprezzar tal-kapaċità raggruppata

1.   Il-prezz ta' riżerva għall-kapaċità raggruppata għandu jkun daqs l-ammont totali tal-prezzijiet ta' riżerva għall-kapaċitajiet li jikkontribwixxu lejn dan il-prodott. Il-prezzijiet ta' riżerva għall-kapaċitajiet ta' dħul u ħruġ korrespondenti għandhom jiġu magħmula disponibbli meta l-prodott ta' kapaċità raggruppata jiġi offrut u allokat permezz ta' pjattaforma ta' prenotazzjoni konġunta msemmija fl-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) 2017/459.

2.   Id-dħul li joriġina mill-bejgħ tal-prodotti tal-kapaċità raggruppata li jikkorrespondu mal-prezz ta' riżerva għal dan il-prodott għandhom jiġu attribwiti għall-operaturi rispettivi tas-sistema ta' trażmissjoni kif ġej:

(a)

wara kull tranżazzjoni għal prodott ta' kapaċità raggruppata;

(b)

f'proporzjon mal-prezzijiet ta' riżerva għall-kapaċitajiet li jikkontribwixxu lejn dan il-prodott.

3.   Il-primjum tal-irkant li joriġina mill-bejgħ tal-prodotti tal-kapaċità raggruppata għandhom jiġu attribwiti f'konformità mal-ftehim bejn l-operaturi rispettivi tas-sistemi ta' trażmissjoni li huma soġġetti għall-approvazzjoni mill-awtorità jew awtoritajiet regolatorji nazzjonali li għandha tingħata mhux aktar minn tliet xhur qabel il-bidu tal-irkant ta' kull sena tal-kapaċità annwali. Fin-nuqqas ta' tali approvazzjoni mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kollha involuti, il-primjum tal-irkant għandu jiġi attribwit b'mod indaqs lill-operaturi kollha rispettivi tas-sistemi ta' trażmissjoni.

4.   Fejn il-punt ta' interkonnessjoni kkonċernat jgħaqqad sistemi ta' dħul u ħruġ maġenb xulxin ta' proprjetà ta' żewġ Stati Membri, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali rispettivi għandhom jippreżentaw il-ftehim imsemmi fil-paragrafu 3 lill-Aġenzija għall-informazzjoni.

Artikolu 22

L-ipprezzar tal-kapaċità f'punt ta' interkonnessjoni virtwali

1.   Il-prezz ta' riżerva għall-prodott ta' kapaċità standard mhux raggruppat offrut f'punt ta' interkonnessjoni virtwali għandu jiġi kkalkulat f'konformità ma' kwalunkwe wieħed minn dawn l-approċċi li ġejjin:

(a)

abbażi tal-prezz ta' referenza, fejn il-metodoloġija tal-prezz ta' referenza applikata tippermetti li jiġi kkunsidrat il-punt stabbilit ta' interkonnessjoni virtwali;

(b)

indaqs mal-medja mkejla tal-prezzijiet ta' riżerva, fejn din il-medja tiġi kkalkulata abbażi tal-prezzijiet ta' referenza għal kull punt ta' interkonessjoni li jikkontribwixxi lejn tali punt ta' interkonnessjoni virtwali, fejn il-metodoloġja tal-prezzijiet ta' referenza applikata ma tippermettix li jittieħed kont tal-punt stabbilit ta' interkonnessjoni virtwali, f'konformità mal-formula li ġejja:

Formula

Fejn:

 

Pst, VIP huwa l-prezz ta' riżerva għal prodott speċifiku ta' kapaċità standard mhux raggruppat fil-punt ta' interkonnessjoni virtwali;

 

i huwa punt ta' interkonnessjoni li jikkontribwixxi lejn il-punt ta' interkonnessjoni virtwali;

 

n huwa n-numru ta' punti ta' interkonnessjoni li jikkontribwixxu lejn il-punt ta' interkonnessjoni virtwali;

 

Pst, i huwa l-prezz ta' riżerva għal prodott speċifiku ta' kapaċità standard mhux raggruppat fil-punt ta' interkonnessjoni i;

 

CAPi huwa l-kapaċità teknika jew il-kapaċità kuntrattata prevista, skont kif rilevanti, fil-punt ta' interkonnessjoni i.

2.   Il-prezz ta' riżerva għall-prodott ta' kapaċità standard raggruppat offrut f'punt ta' interkonnessjoni virtwali għandu jiġi kkalkulat kif stabbilit fl-Artikolu 21(1).

KAPITOLU VI

IL-PREZZ TA' APPROVAZZJONI U L-PREZZ PAGABBLI

Artikolu 23

Il-kalkolu tal-prezz ta' approvazzjoni f'punti ta' interkonnessjoni

Il-prezz ta' approvazzjoni għall-prodott ta' kapaċità standard speċifiku f'punt ta' interkonnessjoni għandu jiġi kkalkulat f'konformità mal-formula li ġejja:

 

Pcl = PR,au + AP

Fejn:

 

Pcl huwa l-prezz ta' approvazzjoni;

 

PR,au huwa l-prezz ta' riżerva applikabbli għal prodott ta' kapaċità standard li huwa ppubblikat fi żmien meta l-prodott qed jiġi rkantat;

 

AP huwa l-primjum tal-irkant, jekk ikun hemm.

Artikolu 24

Il-kalkolu tal-prezz pagabbli f'punti ta' interkonnessjoni

Il-prezz pagabbli għall-prodott ta' kapaċità standard speċifiku f'punt ta' interkonnessjoni għandu jiġi kkalkulat f'konformità ma' waħda mill-formuli li ġejjin:

(a)

fejn jiġi applikat l-approċċ ta' prezz pagabbli varjabbli:

Pflo = PR,flo + AP

Fejn:

 

Pflo huwa l-prezz pagabbli varjabbli;

 

PR,flo huwa l-prezz ta' riżerva applikabbli għal prodott ta' kapaċità standard fi żmien meta l-prodott jista' jiġi użat;

 

AP huwa l-primjum tal-irkant, jekk ikun hemm.

(b)

fejn jiġi applikat l-approċċ ta' prezz pagabbli fiss:

Pfix = (PR,y × IND) + RP + AP

Fejn:

 

Pfix huwa l-prezz pagabbli fiss;

 

PR,y huwa l-prezz ta' riżerva applikabbli għal prodott ta' kapaċità standard annwali li huwa ppubblikat fi żmien meta l-prodott qed jiġi rkantat;

 

IND huwa l-proporzjon bejn l-indiċi magħżul fil-ħin tal-użu u l-istess indiċi fil-ħin meta l-prodott ġie rkantat;

 

RP huwa l-primjum tar-riskju li jirrifletti l-benefiċċji taċ-ċertezza fir-rigward tal-livell tat-tariffa tat-trażmissjoni, fejn dan il-primjum m'għandux ikun inqas minn 0;

 

AP huwa l-primjum tal-irkant, jekk ikun hemm.

Artikolu 25

Kundizzjonijiet għall-offerta tal-approċċi ta' prezz pagabbli

1.   Fejn u safejn ikun possibbli li l-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni jiffunzjona bħala parti minn reġim mingħajr regolazzjoni tal-limitu massimu tal-prezzijiet, il-kundizzjonijiet għall-offerta tal-approċċi ta' prezz pagabbli għandhom ikunu kif ġej:

(a)

għal każijiet meta tiġi offruta biss il-kapaċità eżistenti:

(i)

l-approċċ ta' prezz pagabbli varjabbli għandu jiġi offrut;

(ii)

l-approċċ ta' prezz pagabbli fiss m'għandux jiġi permess.

(b)

għall-kapaċità inkrementali u l-kapaċità eżistenti offruta fl-istess irkant jew l-istess mekkaniżmu ta' allokazzjoni alternattiva:

(i)

l-approċċ ta' prezz pagabbli varjabbli jista' jiġi offrut;

(ii)

l-approċċ ta' prezz fiss pagabbli jista' jiġi offrut meta kwalunkwe waħda minn dawn il-kundizzjonijiet tiġi ssodisfata:

(1)

jintuża l-mekkaniżmu ta' allokazzjoni alternattiva stabbilit fl-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2017/459.;

(2)

il-proġett ikun inkluż fil-lista ta' proġetti ta' interess komuni tla-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

2.   Fejn u safejn ikun possibbli li l-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni jiffunzjona bħala parti minn reġim ta' regolazzjoni tal-limitu massimu tal-prezzijiet, l-approċċ ta' prezz pagabbli varjabbli jew prezz pagabbli fiss, jew it-tnejn li huma, jista' jiġi offrut.

KAPITOLU VII

REKWIŻITI TA' KONSULTAZZJONI

Artikolu 26

Konsultazzjoni perjodika

1.   Għandhom isiru konsultazzjoni waħda jew aktar mill-awtorità nazzjonali regolatorja jew mill-operatur(i) tas-sistema ta' trażmissjoni, skont kif deċiż mill-awtorità regolatorja nazzjonali. Safejn ikun possibbli u sabiex il-proċess ta' konsultazzjoni jsir aktar effettiv, id-dokument ta' konsultazzjoni għandu jiġi ppubblikat fil-lingwa Ingliża. Il-konsultazzjoni finali qabel id-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 27(4) għandha tkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti f'dan l-Artikolu u fl-Artikolu 27, u għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

id-deskrizzjoni tal-metodoloġija ta' prezz ta' referenza proposta kif ukoll dawn li ġejjin:

(i)

l-informazzjoni indikattiva stabbilita fl-Artikolu 30(1)(a) li tinkludi:

(1)

il-ġustifikazzjoni tal-parametri użati li huma relatati mal-karatteristiki tekniċi tas-sistema;

(2)

l-informazzjoni korrispondenti dwar il-valuri rispettivi għal dawn il-parametri u l-assunzjonijiet li ġew applikati.

(ii)

il-valur tal-aġġustamenti proposti għat-tariffi ta' trażmissjoni bbażati fuq il-kapaċità skont l-Artikolu 9;

(iii)

il-prezzijiet ta' referenza indikattivi soġġetti għall-konsultazzjoni;

(iv)

ir-riżultati, il-komponenti u d-dettalji ta' dawn il-komponenti għall-valutazzjonijiet tal-allokazzjoni tal-ispejjeż stabbiliti fl-Artikolu 5;

(v)

il-valutazzjoni tal-metodoloġija ta' prezz ta' referenza f'konformità mal-Artikolu 7;

(vi)

fejn il-metodoloġija tal-prezz ta' referenza proposta hija differenti mill-metodoloġija ta' prezz ta' referenza tal-kapaċità bbażata fuq id-distanza dettaljata fl-Artikolu 8, il-paragun tagħha ma' din tal-aħħar akkumpanjata bl-informazzjoni stabbilita fil-punt (iii);

(b)

l-informazzjoni indikattiva stabbilita fl-Artikolu 30(1)(b)(i), (iv), (v);

(c)

l-informazzjoni li ġejja dwar it-tariffi ta' trażmissjoni u non-trażmissjoni:

(i)

fejn jiġu proposti t-tariffi ta' trażmissjoni bbażati fuq il-komodità msemmija fl-Artikolu 4(3):

(1)

il-manjiera li bih ġew stabbiliti;

(2)

il-porzjon tad-dħul permess jew fil-mira li għandu jiġi rkuprat minn dawn it-tariffi;

(3)

it-tariffi ta' trażmissjoni indikattivi bbażati fuq il-komodità;

(ii)

fejn jiġu proposti servizzi mhux ta' trażmissjoni pprovduti lill-utenti tan-netwerk:

(1)

il-metodoloġija għat-tariffi tas-servizzi ta' nontrażmissjoni;

(2)

il-porzjon tad-dħul permess jew fil-mira li għandu jiġi rkuprat minn dawn it-tariffi;

(3)

il-mod li bih jiġi rikonċiljat id-dħul mis-servizzi assoċjati mhux ta' trażmissjoni kif imsemmi fl-Artikolu 17(3);

(4)

it-tariffi indikattivi għas-servizzi mhux ta' trażmissjoni pprovduti lill-utenti tan-netwerk;

(d)

l-informazzjoni indikattiva stabbilita fl-Artikolu 30(2);

(e)

meta l-approċċ tal-prezz fiss pagabbli msemmi fl-Artikolu 24(b) huwa kkunsidrat li jiġi offrut bħala parti minn reġim ta' regolazzjoni tal-limitu massimu tal-prezzijiet għall-kapaċità eżistenti:

(i)

l-indiċi propost;

(ii)

il-kalkolu propost u kif jintuża d-dħul derivat mill-primjum tar-riskju;

(iii)

f'liem punt(i) ta' interkonnessjoni u għal liema perjodu/i tariffarju/i qed jiġi propost dan l-approċċ;

(iv)

il-proċess tal-offerta tal-kapaċità f'punt ta' interkonnessjoni fejn qed jiġu proposti l-approċċi tal-prezz pagabbli kemm fiss kif ukoll varjabbli msemmija fl-Artikolu 24.

2.   Il-konsultazzjoni finali qabel id-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 27(4) għandha tkun miftuħa għal mill-inqas xahrejn. Id-dokumenti ta' konsultazzjoni għal kwalunkwe mill-konsultazzjonijiet li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 1 jistgħu jeħtieġu li t-tweġibiet ippreżentata f'rispons għall-konsultazzjoni jinkludu verżjoni mhux kunfidenzjali xierqa għall-pubblikazzjoni.

3.   Fi żmien xahar mit-tmiem tal-konsultazzjoni, l-operatur(i) tas-sistema ta' trażmissjoni jew l-awtorità nazzjonali regolatorja, skont l-entità li tippubblika d-dokument ta' konsultazzjoni msemmi fil-paragrafu 1, għandha tippubblika r-rispons għall-konsultazzjoni li tkun irċeviet u s-sommarju tiegħu. Safejn ikun possibbli u sabiex il-proċess ta' konsultazzjoni jsir aktar effettiv, is-sommarju għandu jiġi pprovdut fil-lingwa Ingliża.

4.   Il-konsultazzjonijiet perjodiċi sussegwenti għandhom jingħalqu f'konformità mal-Artikolu 27(5).

5.   Wara li tikkonsulta man-Netwerk Ewropew tal-Operaturi tas-Sistemi ta' Trażmissjoni tal-Gass (minn hawn 'il quddiem “ENTSOG”), l-Aġenzija għandha tiżviluppa mudell għad-dokument ta' konsultazzjoni msemmi fil-paragrafu 1. Dan il-mudell għandu jkun disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali regolatorji u l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni fi żmien 90 jum mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament qabel il-5 ta' Lulju 2017.

Artikolu 27

Teħid perjodiku tad-deċiżjonijiet mill-awtorità regolatorja nazzjonali

1.   Mal-ftuħ tal-konsultazzjoni finali skont l-Artikolu 26 qabel id-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 27(4), l-awtorità regolatorja nazzjonali jew l-operatur(i) tas-sistema ta' trażmissjoni, kif deċiż mill-awtorità regolatorja nazzjonali, għandhom jibagħtu d-dokumenti tal-konsultazzjoni lill-Aġenzija.

2.   L-Aġenzija għandha tanalizza l-aspetti li ġejjin tad-dokument ta' konsultazzjoni:

(a)

jekk ġietx ippubblikata l-informazzjoni kollha msemmija fl-Artikolu 26(1);

(b)

jekk l-elementi li dwarhom saret konsultazzjoni f'konformità mal-Artikolu 26 jikkonformawx mar-rekwiżiti li ġejjin:

(1)

jekk il-metodoloġija tal-prezz ta' referenza tikkonformax mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 7;

(2)

jekk ġewx issodisfati l-kriterji għall-istabbiliment ta' tariffi ta' trażmissjoni bbażata fuq il-komodità kif stipulat fl-Artikolu 4(3);

(3)

jekk ġewx issodisfati l-kriterji għall-istabbiliment ta' tariffi mhux ta' trażmissjoni kif stipulat fl-Artikolu 4(4).

3.   Fi żmien xahrejn wara t-tmiem tal-konsultazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-Aġenzija għandha tippubblika u tibgħat lill-awtorità regolatorja nazzjonali jew l-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni, skont liema entità ppubblikat id-dokument ta' konsultazzjoni, kif ukoll lill-Kummissjoni l-konklużjoni tal-analiżi tagħha f'konformità mal-paragrafu 2 bl-Ingliż.

L-Aġenzija għandha tippreżerva l-kunfidenzjalità ta' kwalunkwe informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

4.   Fi żmien ħames xhur mit-tmiem tal-konsultazzjoni finali l-awtorità regolatorja nazzjonali, li taġixxi f'konformità mal-Artikolu 41(6)(a) tad-Direttiva 2009/73/KE, għandha tieħu u tippubblika deċiżjoni motivata fuq l-entrati kollha stipulati fl-Artikolu 26(1). Mal-pubblikazzjoni, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tibgħat id-deċiżjoni tagħha lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni.

5.   Il-proċedura tikkonsisti fil-konsultazzjoni finali dwar il-metodoloġija ta' prezz ta' referenza f'konformità mal-Artikolu 26, id-deċiżjoni mill-awtorità regolatorja nazzjonali f'konformità mal-paragrafu 4, il-kalkolu tat-tariffi abbażi ta' din id-deċiżjoni, u l-pubblikazzjoni tat-tariffi f'konformità mal-Kapitolu VIII tista' tinbeda mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u għandha tiġi konkluża mhux aktar tard mill-31 ta' Mejju 2019. Ir-rekwiżiti stipulati fil-Kapitoli II, III u IV għandhom jiġu kkunsidrati f'din il-proċedura. It-tariffi applikabbli għall-perjodu tariffarju prevalenti fil-31 ta' Mejju 2019 għandhom ikunu applikabbli sat-tmiem tiegħu. Din il-proċedura għandha tiġi ripetuta tal-inqas kull ħames snin li jibdew mill-31 ta' Mejju 2019.

Artikolu 28

Konsultazzjoni dwar skontijiet, multiplikaturi u fatturi staġunali

1.   Fl-istess żmien tal-konsultazzjoni finali mwettqa f'konformità mal-Artikolu 26(1), l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha twettaq konsultazzjoni mal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Istati Membri kollha konnessi b'mod dirett u mal-partijiet interessati kollha dwar dawn li ġejjin:

(a)

il-livell tal-multiplikaturi;

(b)

jekk ikunu applikabbli, il-livell tal-fatturi staġjonali u l-kalkolazzjonijiet stipulati fl-Artikolu 15;

(c)

il-livell tal-iskontijiet stipulati fl-Artikolu 9(2) u l-Artikolu 16.

Wara t-tmiem tal-konsultazzjoni għandha tittieħed deċiżjoni motivata f'konformità mal-Artikolu 41(6)(a) tad-Direttiva 2009/73/KE dwar l-aspetti msemmija fil-punti (a) sa (c) ta' dan il-paragrafu. Kull awtorità regolatorja nazzjonali għandha tqis il-pożizzjonijiet tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Istati Membri kollha konnessi b'mod dirett.

2.   Il-konsultazzjonijiet sussegwenti għandhom jitwettqu f'kull perjodu tariffarju mid-data tad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1. Wara kull konsultazzjoni u kif stipulat fl-Artikolu 32(a), l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tieħu u tippubblika deċiżjoni motivata dwar l-aspetti msemmija fil-paragrafu 1(a), (b) u (c).

3.   Fl-adozzjoni tad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tieħu kont tar-rispons irċevut mill-konsultazzjoni u tal-aspetti li ġejjin:

(a)

għall-multiplikaturi:

(i)

il-bilanċ bejn il-faċilitazzjoni tal-kummerċ tal-gass fuq żmien qasir u l-għoti ta' sinjali fit-tul għall-investiment effiċjenti fis-sistema ta' trażmissjoni;

(ii)

l-impatt fuq id-dħul tas-servizzi ta' trażmissjoni u l-irkupru tiegħu;

(iii)

il-ħtieġa li jiġi evitat is-sussidju reċiproku bejn l-utenti tan-netwerk u t-titjib tar-riflettività tal-kost tal-prezzijiet ta' riżerva;

(iv)

is-sitwazzjonijiet ta' konġestjoni fiżika u kuntrattwali;

(v)

l-impatti fuq il-flussi transkonfinali;

(b)

għal fatturi staġunali:

(i)

l-impatt tal-faċilitazzjoni tal-użu ekonomiku u effiċjenti tal-infrastruttura;

(ii)

il-ħtieġa li titjieb ir-riflettività tal-kost tal-prezzijiet ta' riżerva.

KAPITLU VIII

REKWIŻITI TA' PUBBLIKAZZJONI

Artikolu 29

L-informazzjoni li għandha tiġi ppubblikata qabel l-irkant ta' kull sena għall-kapaċità annwali

Għall-punti ta' interkonnessjoni u, fejn l-awtorità regolatorja nazzjonali tieħu d-deċiżjoni li tapplika r-Regolament (UE) 2017/459, punti oħrajn ħlief għall-punti ta' interkonnessjoni, l-informazzjoni li ġejja għandha tiġi ppubblikata qabel l-irkant ta' kull sena għall-kapaċità annwali f'konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 31 u 32 mill-awtorità regolatorja nazzjonali jew l-operatur(i) tas-sistema ta' trażmissjoni, kif deċiż mill-awtorità regolatorja nazzjonali:

(a)

għall-prodotti ta' kapaċità standard għall-kapaċità kostanti:

(i)

il-prezzijiet ta' riżerva applikabbli tal-inqas sal-aħħar tas-sena tal-gass li tibda wara l-irkant ta' kull sena għall-kapaċità annwali;

(ii)

il-multiplikaturi u l-fatturi staġunali applikati għall-prezzijiet ta' riżerva tal-prodotti ta' kapaċità standard mhux annwali;

(iii)

il-ġustifikazzjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali għal-livell tal-multiplikaturi;

(iv)

meta japplikaw il-fatturi staġunali, il-ġustifikazzjoni għall-applikazzjoni tagħhom.

(b)

għall-prodotti ta' kapaċità standard għall-kapaċità interrompibbli:

(i)

il-prezzijiet ta' riżerva applikabbli tal-inqas sal-aħħar tas-sena tal-gass li tibda wara l-irkant ta' kull sena għall-kapaċità annwali;

(ii)

valutazzjoni tal-probabbiltà tal-interruzzjoni li tinkludi:

(1)

il-lista tat-tipi kollha ta' prodotti ta' kapaċità standard għall-kapaċità interrompibbli offruta inkluża l-probabbiltà rispettiva tal-interruzzjoni u l-livell ta' skont applikat;

(2)

l-ispjegazzjoni ta' kif il-probabbiltà tal-interruzzjoni hija kkalkulata għal kull tip ta' prodott imsemmi fil-punt (1);

(3)

id-dejta storika jew imbassra, jew it-tnejn li huma, użata għall-istima tal-probabbiltà tal-interruzzjoni msemmija fil-punt (2).

Artikolu 30

Informazzjoni li għandha tiġi ppubblikata qabel il-perjodu tariffarju

1.   L-informazzjoni li ġejja għandha tiġi ppubblikata qabel il-perjodu tariffarju f'konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 31 u 32 mill-awtorità regolatorja nazzjonali jew l-operatur(i) tas-sistema ta' trażmissjoni, kif deċiż mill-awtorità regolatorja nazzjonali:

(a)

l-informazzjoni dwar il-parametri użati fil-metodoloġija tal-prezz ta' referenza applikata li huma relatati mal-karatteristiki tekniċi tas-sistema ta' trażmissjoni, bħal:

(i)

il-kapaċità teknika fil-punti ta' dħul u l-ħruġ u l-assunzjonijiet assoċjati;

(ii)

il-kapaċità teknika mbassra fil-punti ta' dħul u l-ħruġ u l-assunzjonijiet assoċjati;

(iii)

il-kwantità u d-direzzjoni tal-fluss tal-gass għall-punti ta' dħul u l-ħruġ u l-assunzjonijiet assoċjati, bħax-xenarji ta' domanda u provvista għall-fluss tal-gass f'kundizzjonijiet ta' karga massima;

(iv)

ir-rappreżentazzjoni strutturali tan-netwerk ta' trażmissjoni b'livell xieraq ta' dettall;

(v)

l-informazzjoni teknika addizzjonali dwar in-netwerk ta' trażmissjoni, bħat-tul u d-dijametru tal-pipelines u l-qawwa tal-istazzjonijiet tal-kompressuri.

(b)

l-informazzjoni li ġejja:

(i)

id-dħul permess jew fil-mira, jew it-tnejn li huma, tal-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni;

(ii)

l-informazzjoni relatata mal-bidliet fid-dħul imsemmija fil-punt (i) minn sena għal oħra;

(iii)

il-parametri li ġejjin:

(1)

it-tipi ta' assi inklużi fil-bażi tal-assi rregolata u l-valur aggregat tagħhom;

(2)

il-kost tal-kapital u l-metodoloġija tal-kalkolu tiegħu;

(3)

l-infiq kapitali, inklużi:

(a)

il-metodoloġiji li jiddeterminaw il-valur inizjali tal-assi;

(b)

il-metodoloġiji biex jiġu vvalutati mill-ġdid l-assi;

(c)

l-ispjegazzjonijiet tal-evoluzzjoni tal-valur tal-assi;

(d)

il-perjodi ta' deprezzament u l-ammonti għal kull tip ta' assi.

(4)

l-ispejjeż operattivi;

(5)

il-mekkaniżmi ta' inċentiv u l-objettivi ta' effiċjenza;

(6)

l-indiċi tal-inflazzjoni.

(iv)

id-dħul mis-servizzi ta' trażmissjoni;

(v)

il-proporzjon li ġej għad-dħul imsemmi fil-punt (iv):

(1)

il-qsim bejn kapaċità u komodità, li tfisser id-dejta diżaggregata bejn id-dħul mit-tariffi ta' trażmissjoni bbażata fuq il-kapaċità u d-dħul mit-tariffi ta' trażmissjoni bbażati fuq il-komodità;

(2)

il-qsim bejn id-dħul u l-ħruġ, li tfisser id-dejta diżaggregata bejn id-dħul mit-tariffi ta' trażmissjoni bbażata fuq il-kapaċità fil-punti kollha ta' dħul u d-dħul mit-tariffi ta' trażmissjoni bbażati fuq il-kapaċità fil-punti kollha ta' ħruġ;

(3)

il-qsim bejn id-dħul intrasistemiku/intersistemiku, li tfisser id-dejta diżaggregata bejn id-dħul mill-użu intrasistemiku tan-netwerk fil-punti ta' dħul u ta' ħruġ u d-dħul mill-użu intersistemiku tan-netwerk kemm fil-punti ta' dħul kif ukoll fil-punti ta' ħruġ ikkalkulat kif stabbilit fl-Artikolu 5.

(vi)

fejn u sal-punt li l-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni jiffunzjona bħala parti minn reġim mingħajr regolazzjoni tal-limitu massimu tal-prezzijiet, l-informazzjoni li ġejja dwar ir-rikonċiljazzjoni tal-kont regolatorju b'rabta mal-perjodu tariffarju preċedenti:

(1)

id-dħul attwalment miksub, l-irkupru insuffiċjenti jew żejjed tad-dħul permess u l-parti minnu attribwita għall-kont regolatorju u, jekk applikabbli, is-subkontijiet fi ħdan l-istess kont regolatorju;

(2)

il-perjodu ta' rikonċiljazzjoni u l-mekkaniżmi ta' inċentiv applikati.

(vii)

l-użu maħsub tal-primjum tal-irkant.

(c)

l-informazzjoni li ġejja dwar it-tariffi ta' trażmissjoni u non-trażmissjoni, akkumpanjata mill-informazzjoni rilevanti relatata mad-derivazzjoni tagħhom:

(i)

fejn applikati, it-tariffi tat-trażmissjoni bbażata fuq il-komodità msemmija fl-Artikolu 4(3);

(ii)

fejn applikati, it-tariffi tan-non-trażmissjoni għas-servizzi mhux ta' trażmissjoni msemmija fl-Artikolu 4(4);

(iii)

il-prezzijiet ta' referenza u prezzijiet oħrajn applikabbli f'punti li mhumiex dawk imsemmija fl-Artikolu 29.

2.   Barra minn hekk, l-informazzjoni li ġejja għandha tiġi ppubblikata fir-rigward tat-tariffi ta' trażmissjoni:

(a)

l-ispjegazzjoni ta' dan li ġej:

(i)

id-differenza fil-livell tat-tariffi ta' trażmissjoni għall-istess tip ta' servizz ta' trażmissjoni applikabbli għall-perjodu tariffarju prevalenti u għall-perjodu tariffarju li għalih ġiet ippubblikata l-informazzjoni;

(ii)

id-differenza stmata fil-livell tat-tariffi tat-trażmissjoni għall-istess tip ta' servizz tat-trażmissjoni applikabbli għall-perjodu tariffarju li għalih ġiet ippubblikata l-informazzjoni u għal kull perjodu tariffarju fil-bqija tal-perjodu regolatorju.

(b)

tal-inqas mudell tariffarju simplifikat, aġġornat regolarment, akkumpanjat minn spjegazzjoni ta' kif għandu jintuża, li jippermetti lill-utenti tan-netwerk jikkalkulaw it-tariffi tat-trażmissjoni applikabbli għall-perjodu tariffarju prevalenti u jistmaw l-evoluzzjoni possibbli tagħhom lilhinn minn dan il-perjodu tariffarju.

3.   Għall-punti esklużi mid-definizzjoni tal-punti rilevanti msemmija fil-punt 3.2(1)(a) tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 715/2009, l-informazzjoni dwar l-ammont tal-kapaċità kuntrattata prevista u l-kwantità mbassra tal-fluss tal-gass għandha tiġi ppubblikata kif stabbilit fil-punt 3.2(2) tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 715/2009.

Artikolu 31

Forma tal-pubblikazzjoni

1.   L-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 29 u 30 għandha tiġi ppubblikata kif stabbilit fl-Artikolu 32 permezz ta' ħolqa fuq il-pjattaforma msemmija fil-punt 3.1.1(1)(h) tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 fuq is-sit web tal-entità rispettiva.

Din l-informazzjoni għandha tkun aċċessibbli għall-pubbliku, b'xejn u mingħajr ebda limitazzjoni fuq l-użu tagħha. Għandha tiġi ppubblikata:

(a)

bi stil faċli għall-utenti;

(b)

b'mod ċar, aċċessibbli faċilment għall-użu u fuq bażi mhux diskrimintorja;

(c)

f'format li tista' titniżżel mill-Internet;

(d)

f'lingwa uffiċjali waħda jew aktar tal-Istati Membri u, sakemm waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru ma tkunx l-Ingliż, safejn ikun possibbli, bl-Ingliż.

2.   L-informazzjoni li ġejja għandha tiġi ppubblikata għall-punti tal-interkonnessjoni fil-pjattaforma msemmija fil-punt 3.1.1(1)(h) tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 715/2009:

(a)

fl-istess żmien kif stipulat fl-Artikolu 29, il-prezzijiet ta' riżerva għall-prodotti ta' kapaċità standard għall-kapaċità kostanti u l-prodotti ta' kapaċità standard għall-kapaċità interrompibbli;

(b)

fl-istess żmien kif stipulat fl-Artikolu 30, it-tariffa abbażi tal-fluss imsemmija fl-Artikolu 4(3)(a), fejn din tiġi applikata.

3.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandha tiġi ppubblikata fil-mod li ġej:

(a)

kif stabbilit fil-paragrafu 1(a) sa (c);

(b)

bl-Ingliż;

(c)

f'tabella standardizzata li għandha tinkludi tal-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(i)

il-punt ta' interkonnessjoni;

(ii)

id-direzzjoni tal-fluss tal-gass;

(iii)

l-ismijiet tal-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni rilevanti;

(iv)

iż-żmien tal-bidu u tat-tmiem tal-prodott;

(v)

jekk il-kapaċità hijiex kostanti jew interrompibbli;

(vi)

l-indikazzjoni tal-prodott ta' kapaċità standard;

(vii)

it-tariffa applikabbli għal kull kWh/h u għal kull kWh/d fil-munita domestika u f'euro b'kunsiderazzjoni għal dan li ġej:

(1)

fejn l-unità tal-kapaċità applikata hija l-kWh/h, l-informazzjoni dwar it-tariffa applikabbli għal kull kWh/d għandha tkun non-vinkolanti u vice versa;

(2)

fejn il-munita domestika hija differenti mill-euro, l-informazzjoni dwar it-tariffa applikabbli f'euro għandha tkun non-vinkolanti.

Barra minn hekk, fl-istess żmien stipulat fl-Artikolu 30, din it-tabella standardizzata għandha tinkludi simulazzjoni tal-kostijiet kollha għall-fluss ta' GWh/jum/sena għal kull punt ta' interkonnessjoni fil-munita domestika u f'euro soġġetta għall-punt vii(2).

4.   Fejn l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 hija differenti mill-informazzjoni rispettiva msemmija fil-paragrafu 1, l-informazzjoni rispettiva msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun prevalenti.

Artikolu 32

Perjodu ta' pubblikazzjoni tan-notifika

L-iskadenza għall-pubblikazzjoni tal-informazzjoni stabbilita fl-Artikoli 29 u 30 għandha tkun kif ġej:

(a)

għall-informazzjoni stipulata fl-Artikolu 29, mhux aktar tard minn 30 ġurnata qabel l-irkant ta' kull sena għall-kapaċità annwali;

(b)

għall-informazzjoni stipulata fl-Artikolu 30, mhux aktar tard minn 30 ġurnata qabel il-perjodu tariffarju rispettiv;

(c)

għat-tariffi ta' trażmissjoni rispettivi aġġornati fi żmien il-perjodu tariffarju kif stipulat fl-Artikolu 12(3), immedjatament wara l-approvazzjoni f'konformità mal-Artikolu 41(6)(a) tad-Direttiva 2009/73/KE.

Kull aġġornament tat-tariffi ta' trażmissjoni għandu jiġi akkumpanjat minn informazzjoni li tindika r-raġunijiet għall-bidliet fil-livell tagħhom. Fejn jiġi applikat l-Artikolu 12(3)(b), dan għandu jiġi akkumpanjat ukoll mir-rapport aġġornat imsemmi fl-Artikolu 29(b) għat-tipi rispettivi ta' prodotti ta' kapaċità standard għall-kapaċità interrompibbli.

KAPITOLU IX

KAPAĊITÀ INKREMENTALI

Artikolu 33

Prinċipji tariffarji għall-kapaċità inkrementali

1.   Il-prezz minimu li għalih l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni għandhom jaċċettaw talba għal kapaċità inkrementali huwa l-prezz ta' referenza. Għall-kalkolu tat-test ekonomiku, il-prezzijiet ta' referenza għandhom jiġu derivati billi jiġu inklużi fil-metodoloġija tal-prezz ta' referenza l-assunzjonijiet rilevanti relatati mal-offerta ta' kapaċità inkrementali.

2.   Fejn l-approċċ ta' prezz fiss pagabbli stabbilit fl-Artikolu 24(b) huwa meqjus li ġie offrut għall-kapaċità inkrementali, il-prezz ta' riżerva msemmi fl-Artikolu 24(b) għandu jkun ibbażat fuq l-investiment ipproġettat u l-ispejjeż operatorji. Ladarba l-kapaċità inkrementali tiġi kkummissjonata, dan il-prezz ta' riżerva għandu jiġi aġġustat proporzjonalment għad-differenza, irrispettivament minn jekk tkunx pożittiva jew negattiva, bejn l-ispejjeż ta' investiment ipproġettati u l-kost tal-investiment attwali.

3.   Fil-każ li l-allokazzjoni tal-kapaċità inkrementali kollha fil-prezz ta' referenza ma tiġġenerax dħul suffiċjenti għal riżultat pożittiv fit-test ekonomiku, il-primjum obbligatorju minimu jista' jiġi applikat fl-ewwel irkant jew mekkaniżmu ta' allokazzjoni alternattiva fejn tiġi offruta l-kapaċità inkrementali. Il-primjum obbligatorju minimu jista' jiġi applikat ukoll f'azzjonijiet sussegwenti meta l-kapaċità li inizjalment kienet baqgħet mhux mibjugħa tiġi offruta, jew meta l-kapaċità inizjalment imwarrba tiġi offruta skont l-Artikolu 8(8) u (9) tar-Regolament (UE) 2017/459. Id-deċiżjoni dwar jekk u f'liem irkant għandu jiġi applikat il-primjum obbligatorju minimu għandha tittieħed f'konformità mal-Artikolu 41(6)(a) tad-Direttiva 2009/73/KE.

4.   Il-livell ta' primjum obbligatorju minimu għandu jippermetti riżultat pożittiv mit-test ekonomiku bid-dħul iġġenerat mill-kapaċità offruta fl-ewwel irkant jew mekkaniżmu ta' allokazzjoni alternattiva li fih tkun ġiet offruta l-kapaċità inkrementali. Il-medda tal-livell għall-primjum obbligatorju minimu, skont il-kapaċità allokata mistennija, għandha tiġi ppreżentata lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali rilevanti għall-approvazzjoni f'konformità mal-Artikolu 25(1)(c) tar-Regolament (UE) 2017/459.

5.   Il-primjum obbligatorju minimu approvat mill-awtorità regolatorja nazzjonali għandu jiżdied mal-prezz ta' referenza għall-prodotti ta' kapaċità raggruppati fil-punt ta' interkonnessjoni rispettiv u għandu jiġi attribwit b'mod esklużiv għall-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni li għalih il-primjum obbligatorju minimu ġie approvat mill-awtorità regolatorja nazzjonali rispettiva. Dan il-prinċipju prestabbilit għall-attribuzzjoni tal-primjum obbligatorju minimu huwa mingħajr preġudizzju għall-qsim ta' primjum tal-irkant addizzjonali possibbli skont l-Artikolu 21(3) jew ftehim alternattiv bejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali involuti.

KAPITOLU X

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI U TRANŻITORJI

Artikolu 34

Metodoloġiji u parametri użati biex jiġi determinat id-dħul permess jew fil-mira tal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni

1.   Qabel is-6 ta' April 2019, l-Aġenzija għandha tippubblika rapport dwar il-metodoloġiji u l-parametri użati biex jiġu determinat id-dħul permess jew fil-mira tal-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni. Ir-rapport għandu jkun ibbażat tal-inqas fuq il-parametri msemmija fl-Artikolu 30(1)(b)(iii).

2.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jippreżentaw lill-Aġenzija, f'konformità mal-proċess imsemmi mill-Aġenzija, l-informazzjoni kollha relatata mal-metodoloġiji u l-parametri użati biex jiġi determinat id-dħul permess jew fil-mira tal-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni.

Artikolu 35

Kuntratti eżistenti

1.   Dan ir-Regolament m'għandux jaffettwa l-livelli tat-tariffi tat-trażmissjoni li jirriżultaw minn kuntratti jew prenotazzjonijiet ta' kapaċità konklużi qabel is-6 ta' April 2017 fejn dawn il-kuntratti jew prenotazzjonijiet tal-kapaċità ma jipprevedu ebda bidla fil-livell ta' kapaċità- u/jew tariffi ta' trażmissjoni bbażati fuq il-komodità ħlief għall-indiċjar, jekk ikun hemm.

2.   Id-dispożizzjonijiet kuntrattwali relatati mat-tariffi għat-trażmissjoni u l-prenotazzjonijiet tal-kapaċità msemmija fil-paragrafu 1 m'għandhomx jiġu mġedda, prolongati jew riportati wara d-data li fihom jiskadu.

3.   Qabel is-6 ta' Mejju 2017, l-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni għandu jibgħat il-kuntratti jew l-informazzjoni dwar il-prenotazzjonijiet tal-kapaċità, jekk ikun hemm, imsemmija fil-paragrafu 1, lill-awtorità regolatorja nazzjonali għall-informazzjoni.

Artikolu 36

Monitoraġġ tal-implementazzjoni

1.   Sabiex tassisti lill-Aġenzija fil-kompiti ta' monitoraġġ tagħha skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009, l-ENTSOG għandha timmonitorja u tanalizza, f'konformità mal-Artikolu 8(8) u (9) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009, kif l-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni jkunu implimentaw dan ir-Regolament. B'mod partikolari, l-ENTSOG għandha tiżgura l-kompletezza u l-korrettezza tal-informazzjoni rilevanti kollha li għandha tiġi pprovduta mill-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni. L-ENTSOG għandha tippreżenta lill-Aġenzija dik l-informazzjoni f'konformità mal-iskadenzi li ġejjin:

(a)

il-31 ta' Marzu 2018 fir-rigward tar-rekwiżiti stipulati fil-Kapitolu VIII;

(b)

il-31 ta' Marzu 2020 fir-rigward tad-dispożizzjonijiet l-oħrajn kollha ta' dan ir-Regolament.

2.   L-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni għandhom jippreżentaw l-informazzjoni kollha mitluba lill-ENTSOG sabiex jikkonformaw mal-obbligi tagħha skont il-paragrafu 1, f'konformità mal-iskadenzi li ġejjin:

(a)

il-31 ta' Diċembru 2017 fir-rigward tar-rekwiżiti stipulati fil-Kapitolu VIII;

(b)

il-31 ta' Diċembru 2019 fir-rigward tad-dispożizzjonijiet l-oħrajn kollha ta' dan ir-Regolament.

3.   Iċ-ċiklu ta' monitoraġġ tal-implementazzjoni kif stabbilit fil-paragrafi 1 u 2 għandu jerġa' jsir mill-ġdid fis-snin ta' wara soġġett għal talbiet korrispondenti mill-Kummissjoni.

4.   Il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjalment sensittiva għandha tiġi ppreżervata mill-ENTSOG u mill-Aġenzija.

5.   Fi żmien tliet snin mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, l-Aġenzija għandha tippubblika rapport dwar l-applikazzjoni tal-metodoloġiji ta' prezz ta' referenza fl-Istati Membri.

Artikolu 37

Is-setgħa li jingħataw derogi

1.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu, fuq talba ta' entità li topera interkonnettitur li bbenefikat minn eżenzjoni mill-Artikolu 41(6), (8) u (10) tad-Direttiva 2009/73/KE f'konformità mal-Artikolu 36 ta' dik id-Direttiva jew eżenzjoni simili, jagħtu deroga lil tali entità mill-applikazzjoni ta' Artikolu wieħed jew aktar ta' dan ir-Regolament f'konformità mal-paragrafi 2 sa 6 ta' dan l-Artikolu fejn l-applikazzjoni ta' dawk l-Artikoli għal din l-entità seta' kellha waħda jew bosta minn dawn il-konsegwenzi negattivi. Din tista':

(a)

ma tiffaċilitax il-kummerċ u l-kompetizzjoni fil-gass effiċjenti;

(b)

ma tipprovdix inċentivi għall-investiment għal kapaċità ġdida jew iżżomm livelli eżistenti ta' kapaċità;

(c)

tfixkel il-kummerċ transkonfinali b'mod mhux raġonevoli;

(d)

tfixkel il-kompetizzjoni ma' operaturi oħrajn tal-infrastruttura li joffru servizzi ta' natura simili għal dawk tal-interkonnettur;

(e)

ma tkunx implimentabbli meta jittieħed kont tan-natura speċifika tal-interkonnetturi.

2.   L-entità li titlob deroga skont il-paragrafu 1 għandha tinkludi fit-talba tagħha raġunar iddettaljat, bid-dokumenti kollha ta' sostenn, inkluż, fejn ikun xieraq, analiżi kost-benefiċċju, li turi li hemm konformità ma' waħda jew aktar mill-kundizzjonijiet fil-paragrafu 1(a) sa (e).

3.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kkonċernati għandhom jivvalutaw b'mod konġunt it-talba għal deroga u jittrattawha f'kooperazzjoni mill-qrib. Fejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali rilevanti jagħtu deroga, dawn għandhom jispeċifikaw it-tul tagħha fid-deċiżjonijiet tagħhom.

4.   L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jinnotifikaw id-deċiżjonijiet tagħhom dwar l-għoti ta' dawn id-derogi lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni.

5.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jirrevokaw deroga jekk iċ-ċirkustanzi jew ir-raġunijiet sottostanti, jew it-tnejn li huma, ma jibqgħux japplikaw, jew fuq rakkomandazzjoni motivata tal-Aġenzija jew tal-Kummissjoni għar-revoka ta' deroga minħabba nuqqas ta' ġustifikazzjoni.

Artikolu 38

Dħul fis-seħħ

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Għandu japplika mid-dħul fis-seħħ tiegħu.

3.   Madankollu, il-Kapitoli VI u VIII għandhom japplikaw sa mill-1 ta' Ottubru 2017. Il-Kapitoli II, III u IV għandhom japplikaw sa mill-31 ta' Mejju 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Marzu 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 211, 14.8.2009, p. 36.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/459 tas-16 ta' Marzu 2017 li jistabbilixxi Kodiċi tan-Netwerk dwar il-Mekkaniżmi ta' Allokazzjoni tal-Kapaċità fis-Sistemi ta' Trażmissjoni tal-Gass u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 984/2013 (ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Id-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 94).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 li jistabbilixxi Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 1).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 312/2014 tas-26 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Kodiċi tan-Netwerk dwar l-Ibbilanċjar tal-Gass tan-Netwerks ta' Trażmissjoni (ĠU L 91, 27.3.2014, p. 15).

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/703 tat-30 ta' April 2015 li jistabbilixxi Kodiċi tan-Netwerk għar-Regoli dwar l-Interoperabbiltà u l-Iskambju ta' dejta (ĠU L 113, 1.5.2015, p. 13).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009 (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 39).


17.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 72/57


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/461

tas-16 ta' Marzu 2017

li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-proċeduri, il-forom u l-mudelli komuni għall-proċess ta' konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti rilevanti għall-akkwisti proposti ta' parteċipazzjoni kwalifikanti f'istituzzjonijiet ta' kreditu kif imsemmija fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 22(9) tagħha,

Billi:

(1)

Huwa xieraq li jiġu stabbiliti proċeduri, forom u mudelli komuni biex jiżguraw il-valutazzjoni preċiża mill-awtoritajiet kompetenti ta' notifiki ta' akkwisti diretti jew indiretti proposti jew żidiet ta' parteċipazzjoni kwalifikanti f'istituzzjonijiet ta' kreditu meta l-akkwirent propost ikun entità taħt superviżjoni fi Stat Membru jew f'settur ieħor, l-impriża prinċipali ta' din l-entità taħt superviżjoni, jew il-persuna naturali jew legali li tikkontrolla din l-entità taħt superviżjoni. F'dawn il-każijiet, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti rilevanti jikkonsultaw ma' xulxin u jipprovdu lil xulxin bl-informazzjoni mitluba jew kwalunkwe informazzjoni essenzjali oħra.

(2)

Skont l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2013/36/UE, il-proċess ta' konsultazzjoni msemmi fl-Artikolu 24 ta' dik id-Direttiva japplika wkoll għall-valutazzjoni tal-azzjonisti u membri ta' istituzzjoni ta' kreditu għall-finijiet tal-għoti ta' awtorizzazzjoni biex tinbeda l-attività ta' istituzzjoni ta' kreditu. Il-proċeduri, il-forom u l-mudelli komuni għalhekk jenħtieġ li jippermettu wkoll konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti rilevanti meta l-valutazzjoni tal-azzjonisti jew membri b'parteċipazzjonijiet kwalifikanti titwettaq bħala parti mill-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu.

(3)

Sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u tiġi żgurata effiċjenza fl-iskambju ta' informazzjoni tagħhom, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jaħtru punti ta' kuntatt dedikati speċifikament għall-għan tal-proċess ta' konsultazzjoni msemmi fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2013/36/UE u jagħmlu din l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku fuq is-siti web tagħhom.

(4)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti proċeduri ta' konsultazzjoni li fihom restrizzjonijiet ta' ħin ċari sabiex jiżguraw kooperazzjoni fil-ħin u effiċjenti bejn l-awtoritajiet kompetenti.

(5)

Dawn il-proċeduri ta' konsultazzjoni għandhom ukoll jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jikkooperaw u jaħdmu lejn it-titjib tal-proċess ta' konsultazzjoni billi fejn xieraq, jippromwovu l-iskambju ta' rispons dwar il-kwalità u r-rilevanza tal-informazzjoni rċevuta.

(6)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni ppreżentati mill-Awtorità Bankarja Ewropea (“EBA”) lill-Kummissjoni.

(7)

L-EBA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implementazzjoni li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Kkonċernati stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-proċeduri, il-forom u l-mudelli komuni għall-proċess ta' konsultazzjoni msemmi fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2013/36/UE bejn dawn li ġejjin:

(a)

l-awtorità kompetenti ta' istituzzjoni ta' kreditu eżistenti li fiha huwa propost li tiġi akkwistata jew miżjuda parteċipazzjoni kwalifikanti jew l-awtorità responsabbli għall-għoti tal-awtorizzazzjoni biex tinbeda l-attività ta' istituzzjoni ta' kreditu (l-“awtorità rikjedenti”);

(b)

l-awtorità kompetenti rilevanti tal-akkwirent, azzjonist jew membru propost, meta dan l-akkwirent, azzjonist jew membru propost jaqa' taħt waħda mill-kategoriji msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2013/36/UE (iktar 'il quddiem l- “awtorità li ssirilha t-talba”).

Artikolu 2

Punti ta' kuntatt maħtura

Għall-fini tal-proċess ta' konsultazzjoni stabbilit fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2013/36/UE, l-awtoritajiet kompetenti rilevanti għandhom jaħtru, permezz ta' indirizz uniku ta' dipartiment jew kaxxa postali dedikat, punti ta' kuntatt għat-trażmissjoni ta' avviżi ta' konsultazzjoni u komunikazzjonijiet oħra f'konformità ma' dan ir-Regolament u għandhom jagħmlu dawn il-punti ta' kuntatt disponibbli għall-pubbliku fuq is-siti web tagħhom.

Artikolu 3

Avviż ta' konsultazzjoni

1.   L-awtorità rikjedenti għandha tibgħat avviż ta' konsultazzjoni lill-awtorità li ssirilha t-talba mill-aktar fis possibbli wara li jasal l-avviż imsemmi fl-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2013/36/UE u, fi kwalunkwe każ, mhux aktar tard minn 10 ijiem ta' xogħol wara l-bidu tal-perjodu ta' valutazzjoni msemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) ta' dik id-Direttiva.

2.   Meta l-valutazzjoni prevista fl-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/36/UE titwettaq bħala parti mill-valutazzjoni ta' applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni biex istituzzjoni ta' kreditu tibda l-attivitajiet tagħha, l-awtorità rikjedenti għandha tibgħat avviż ta' konsultazzjoni lill-awtorità li ssirilha t-talba mill-aktar fis possibbli wara li tasal din l-applikazzjoni u, fi kwalunkwe każ, mhux aktar tard minn 10 ijiem ta' xogħol wara li tasal l-informazzjoni sħiħa msemmija fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2013/36/UE.

3.   L-awtorità rikjedenti għandha tibgħat l-avviżi ta' konsultazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 bil-miktub permezz tal-posta, tal-faks jew ta' mezz elettroniku sigur, u tindirizzahom lill-persuna ta' kuntatt maħtura tal-awtorità rikjedenti.

4.   L-awtorità rikjedenti għandha tibgħat l-avviżi ta' konsultazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 billi timla l-mudell stipulat fl-Anness I, u tispeċifika d-dettalji ewlenin tal-parteċipazzjoni proposta u tal-informazzjoni li l-awtorità rikjedenti titlob mill-awtorità li ssirilha t-talba f'dan ir-rigward.

Artikolu 4

Konferma tar-riċevuta tal-avviż ta' konsultazzjoni

L-awtorità li ssirilha t-talba għandha tibgħat konferma tar-riċevuta tal-avviż ta' konsultazzjoni msemmi fl-Artikolu 3 lill-awtorità rikjedenti fi żmien jumejn ta' xogħol minn meta jasal dan l-avviż.

Artikolu 5

Tweġiba minn awtorità li ssirilha t-talba

1.   Tweġiba għal avviż ta' konsultazzjoni għandha ssir bil-miktub, billi jintuża l-format stabbilit fl-Anness II, bil-posta, bil-faks jew b'mezz elettroniċi siguri. Għandha tiġi indirizzata lill-punt ta' kuntatt maħtur tal-awtorità rikjedenti msemmija fl-Artikolu 2, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor mill-awtorità rikjedenti.

2.   L-awtorità li ssirilha t-talba għandha tipprovdi lill-awtorità rikjedenti mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard minn 20 jum ta' xogħol mir-riċevuta tal-avviż ta' konsultazzjoni:

(a)

l-informazzjoni rilevanti kollha mitluba fl-avviż ta' konsultazzjoni, inkluża kwalunkwe opinjoni jew riżerva fir-rigward tal-akkwiżizzjoni mill-akkwirent propost;

(b)

kull informazzjoni essenzjali, fuq l-inizjattiva tagħha stess.

3.   Meta l-awtorità li ssirilha t-talba ma tkunx tista' tissodisfa l-limitu perentorju stabbilit fil-paragrafu 2, għandha tinforma minnufih lill-awtorità rikjedenti bir-raġunijiet ġustifikabbli li jeħtieġu dewmien bħal dan u tipprovdi data mistennija tat-tweġiba. L-awtorità li ssirilha t-talba għandha tipprovdi rispons regolari dwar il-progress li sar jew fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba tal-awtorità rikjedenti.

4.   Meta minħabba każijiet ġustifikati ta' neċessità, l-awtorità li ssirilha t-talba ma tkunx tista' tipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa fil-ħin biex tilħaq il-limitu perentorju stabbilit fil-paragrafu 2, hija għandha:

(a)

tipprovdi l-informazzjoni li hija diġà disponibbli fil-limitu perentorju stabbilit fil-paragrafu 2, billi tuża l-format stabbilit fl-Anness II;

(b)

tipprovdi kwalunkwe informazzjoni nieqsa malli ssir disponibbli u b'manjiera, inkluż verbalment, li tiżgura li kwalunkwe azzjoni meħtieġa tista' tipproċedi b'mod espedjenti.

5.   Jekk l-informazzjoni mitluba tiġi pprovduta verbalment skont il-punt (b) tal-paragrafu 4, din għandha sussegwentement tiġi kkonfermata bil-miktub f'konformità mal-paragrafu 1, ħlief jekk l-awtoritajiet kompetenti involuti jiddeċiedu mod ieħor.

Artikolu 6

Proċeduri għall-konsultazzjoni

1.   L-awtorità rikjedenti u l-awtorità li ssirilha t-talba għandhom jikkomunikaw fir-rigward ta' avviż ta' konsultazzjoni u t-tweġiba billi jużaw il-mezzi l-aktar espedjenti minn fost dawk stabbiliti fl-Artikolu 3(3) u l-Artikolu 5(1), filwaqt li jqisu kif dovut kunsiderazzjonijiet ta' kunfidenzjalità, il-ħinijiet ta' korrispondenza, il-volum ta' materjal li għandu jiġi kkomunikat u l-faċilità ta' aċċess għall-informazzjoni mill-awtorità rikjedenti.

2.   L-informazzjoni pprovduta mill-awtorità li ssirilha t-talba għandha, sa fejn taf hi, tkun kompleta, preċiża u aġġornata.

3.   Wara li tirċievi avviż ta' konsultazzjoni, l-awtorità li ssirilha t-talba għandha tikkomunika mal-awtorità rikjedenti fi żmien xieraq jekk ikun hemm bżonn xi kjarifika rigward l-informazzjoni mitluba.

L-awtorità rikjedenti għandha mbagħad twieġeb fil-pront għal kwalunkwe kjarifika mitluba mill-awtorità li ssirilha t-talba.

4.   Jekk l-informazzjoni mitluba hija miżmuma minn awtorità oħra tal-istess Stat Membru tal-awtorità li ssirilha t-talba iżda li ma tikkostitwixxix awtorità kompetenti għall-finijiet tal-Artikolu 24 tad-Direttiva 2013/36/UE, l-awtorità li ssirilha t-talba għandha tagħmel l-aħjar sforzi biex tiġbor l-informazzjoni minnufih u tibgħatha lill-awtorità rikjedenti skont l-Artikolu 5.

Jekk l-informazzjoni mitluba hija miżmuma minn awtorità oħra ta' Stat Membru differenti jew minn awtorità oħra tal-istess Stat Membru li tikkostitwixxi awtorità kompetenti għall-finijiet tal-Artikolu 24 tad-Direttiva 2013/36/UE, l-awtorità li ssirilha t-talba għandha minnufih tgħarraf lill-awtorità rikjedenti dwar dan.

5.   L-awtorità li ssirilha t-talba u l-awtorità rikjedenti għandhom jikkooperaw biex isolvu kwalunkwe diffikultà li tista' tinħoloq fl-eżekuzzjoni ta' talba.

6.   L-awtorità li ssirilha t-talba u l-awtorità rikjedenti għandhom jipprovdu rispons lil xulxin dwar l-eżitu tal-valutazzjoni li dwarha tkun sar il-proċess ta' konsultazzjoni u, fejn ikun adegwat, dwar l-utilità tal-informazzjoni jew għajnuna oħra rċevuta jew kwalunkwe problema li tinqala' fl-għoti ta' tali għajnuna jew informazzjoni.

7.   Meta jkun hemm informazzjoni ġdida jew il-ħtieġa għal aktar informazzjoni waqt il-perjodu ta' valutazzjoni, l-awtorità rikjedenti u l-awtorità li ssirilha t-talba għandhom jiżguraw li l-informazzjoni essenzjali u rilevanti kollha tiġi skambjata. Il-mudelli stipulati fl-Annessi I u II, fejn xieraq, għandhom jintużaw għal dan l-għan.

8.   Matul il-proċess ta' konsultazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jużaw lingwa uffiċjali ta' Stat Membru tal-Unjoni li hija lingwa użata b'mod komuni għal kooperazzjoni superviżorja internazzjonali u għandhom jippubblikaw l-għażla ta' din il-lingwa jew lingwi fuq is-siti web tagħhom. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li għandhom lingwa uffiċjali komuni jew jiftiehmu reċiprokament li jużaw lingwa uffiċjali oħra ta' Stat Membru tal-Unjoni jistgħu jużaw dik il-lingwa.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Marzu 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).


ANNESS I

Mudell ta' avviż ta' konsultazzjoni

[L-Artikolu 3 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/461]

Data: …

MINN:

Stat Membru:

Awtorità Rikjedenti:

Indirizz:

(Id-dettalji ta' kuntatt tal-punt ta' kuntatt maħtur)

Telefown:

Posta elettronika:

Numru ta' referenza:

LIL:

Stat Membru:

Awtorità li ssirilha t-talba:

Indirizz:

(Id-dettalji ta' kuntatt tal-punt ta' kuntatt maħtur)

Telefown:

Posta elettronika:

Sinjur/a,

Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/461 (1), qed issir notifika ta' konsultazzjoni b'rabta mas-suġġetti mfissra f'aktar dettall hawn taħt.

Jekk jogħġbok innota li l-proċedura ta' valutazzjoni se tiskadi fi [daħħal data] (2). Għalhekk inkunu grati jekk tkun tista' tipprovdi l-informazzjoni mitluba u kwalunkwe informazzjoni essenzjali oħra, kif ukoll kwalunkwe fehmiet jew riżervi li jista' jkollok dwar il-parteċipazzjoni proposta, fi żmien 20 jum ta' xogħol mir-riċevuta ta' din l-ittra, jew jekk dan mhuwiex possibbli, indikazzjoni dwar meta tistenna li tkun f'pożizzjoni li tipprovdi l-għajnuna mfittxija.

Dan l-avviż ta' konsultazzjoni, ir-risposta tiegħek u l-ipproċessar tagħhom huma soġġetti għad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

Informazzjoni dwar il-parteċipazzjoni proposta

Identità tal-akkwirent(i), azzjonist(i) jew membru/i propost(i):

[Għal persuni fiżiċi, inkludi d-dettalji personali, inklużi l-isem, id-data u l-post ta' twelid tal-persuna, in-numru ta' identifikazzjoni personali (meta disponibbli) u l-indirizz. Għal persuni ġuridiċi, inkludi l-isem reġistrat, l-indirizz reġistrat tal-uffiċċju prinċipali, l-indirizz postali (jekk inhu differenti) u n-numru ta' identifikazzjoni nazzjonali (meta disponibbli)]

Isem l-entità(jiet) rilevanti regolati fl-Istat Membru tal-awtorità li ssirilha t-talba u r-relazzjoni mal-akkwirent, l-azzjonist jew il-membru propost:

[Meta l-akkwirent, l-azzjonist jew il-membru propost huwa entità regolata kif imsemmi fl-Artikolu 24(1)(a) tad-Direttiva 2013/36/UE, l-isem tal-akkwirent, l-azzjonist jew il-membru propost huwa biżżejjed. Meta l-akkwirent, l-azzjonist jew il-membru propost jaqa' taħt waħda mill-kategoriji definiti skont l-Artikolu 24(1)(b) jew (c) tad-Direttiva 2013/36/UE, huwa neċessarju wkoll li tiġi spjegata r-relazzjoni tal-akkwirent, l-azzjonist jew il-membru propost mal-entità rilevanti regolata fl-Istat Membru tal-awtorità li ssirilha t-talba]

Identità tal-impriża jew l-istituzzjoni fil-mira li għaliha hija mitluba awtorizzazzjoni:

Inkludi l-isem reġistrat, l-indirizz reġistrat tal-uffiċċju prinċipali tagħha, l-indirizz postali (jekk differenti) u n-numru ta' identifikazzjoni nazzjonali (meta disponibbli)]

Daqs tal-parteċipazzjoni diretta jew indiretta attwali u maħsuba tal-akkwirent, l-azzjonist jew membru propost fl-impriża jew l-istituzzjoni fil-mira li għaliha hija mitluba l-awtorizzazzjoni:

[Inkludi informazzjoni dwar l-ishma tal-impriża jew istituzzjoni fil-mira li għaliha hija mitluba l-awtorizzazzjoni li jappartjenu, jew huma kontemplati li jsiru jappartjenu, lill-akkwirent, l-azzjonist jew il-membru propost (jekk rilevanti, qabel u wara l-akkwiżizzjoni proposta), inkluż (i) in-numru u t-tip ta' ishma, kemm jekk huma ishma ordinarji jew oħrajn, tal-impriża li jappartjenu jew li huma maħsuba li jiġu akkwistati, mill-akkwirent, l-azzjonist jew il-membru propost (jekk rilevanti, qabel u wara l-akkwiżizzjoni proposta), flimkien mal-valur nominali ta' dawn l-ishma, (ii) is-sehem tal-kapital globali tal-impriża li l-ishma tagħha jappartjenu, jew huma maħsuba li jsiru jappartjenu, lill-akkwirent, l-azzjonist jew il-membru propost jirrappreżentaw (jekk rilevanti, qabel u wara l-akkwiżizzjoni proposta) u (iii) is-sehem tad-drittijiet ta' votazzjoni globali tal-impriża li l-ishma li jappartjenu, jew li huma kontemplati li jiġu jappartjenu, lill-akkwirent, l-azzjonist jew il-membru propost jirrappreżentaw (jekk rilevanti, qabel u wara l-akkwiżizzjoni proposta), jekk differenti mis-sehem tal-kapital tal-impriża. Għal akkwiżizzjonijiet indiretti, din l-informazzjoni għandha tkun provduta mutatis mutandis.]

Dettalji ta' kwalunkwe awtorità oħra involuta:

[Jekk l-awtorità rikjedenti tkun ġiet jew ser tiġi f'kuntatt ma' kwalunkwe awtorità oħra fl-Istat Membru tal-awtorità li ssirilha t-talba f'rabta mas-suġġett tat-talba jew kwalunkwe awtorità oħra li l-awtorità rikjedenti tkun taf li jkollha interess attiv fis-suġġett tat-talba]

[Informazzjoni addizzjonali provduta mill-awtorità rikjedenti (jekk hemm):

…]

Tip ta' għajnuna mitluba

Informazzjoni speċifika mitluba:

[Inkludi deskrizzjoni dettaljata tal-informazzjoni speċifika mitluba, inklużi kwalunkwe dokumenti mitluba. Din l-informazzjoni għandha tinkludi:

meta disponibbli, l-eżitu tal-valutazzjoni l-iktar riċenti tal-adegwatezza (f'termini ta' kompetenza u idoneità) tal-akkwirent, l-azzjonist jew il-membru propost jew tal-uffiċjali rilevanti tal-entità rilevanti regolata;

meta disponibbli, l-eżitu tal-valutazzjoni l-iktar riċenti tas-solidità finanzjarja tal-akkwirent, l-azzjonist jew il-membru propost jew tal-entità rilevanti regolata, b'rapporti ta' verifika pubbliċi jew esterni relatati;

meta disponibbli, l-eżitu tal-valutazzjoni l-iktar riċenti mill-awtorità li ssirilha t-talba tal-kwalità tal-istruttura ta' ġestjoni tal-akkwirent, l-azzjonist jew il-membru propost jew tal-entità rilevanti regolata, u l-proċeduri amministrattivi u kontabilistiċi tagħha, is-sistemi ta' kontroll intern, il-governanza korporattiva, l-istruttura tal-grupp eċċ.;

jekk hemm xi raġunijiet biex jiġi suspettat, b'konnessjoni mal-akkwiżizzjoni jew il-parteċipazzjoni proposta, li seħħew jew kien hemm attentat ta' ħasil ta' flus jew finanzjament tat-terroriżmu,

u kwalunkwe informazzjoni speċifika oħra mitluba mill-awtorità rikjedenti.]

Dejjem tiegħek,

[firma]


(1)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/461 tas-16 ta' Marzu 2017 li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-proċeduri, il-forom u l-mudelli komuni għall-proċess ta' konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti rilevanti għall-akkwisti proposti ta' parteċipazzjoni kwalifikanti f'istituzzjonijiet ta' kreditu kif imsemmija fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 72, 17.3.2017, p. 57).

(2)  Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2013/36/UE jew, kif jista' jkun il-każ, l-Artikolu 15 tad-Direttiva

(3)  Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).


ANNESS II

Mudell tar-risposta mill-awtorità li ssirilha t-talba

[L-Artikolu 5 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/461]

Data: …

Informazzjoni ġenerali

MINN:

Stat Membru:

Awtorità li ssirilha t-talba:

Indirizz:

(Id-dettalji ta' kuntatt tal-punt ta' kuntatt maħtur)

Telefown:

Posta elettronika:

Numru ta' referenza tal-awtorità li ssirilha t-talba

LIL:

Stat Membru:

Awtorità Rikjedenti:

Indirizz:

(Id-dettalji ta' kuntatt tal-punt ta' kuntatt maħtur)

Telefown:

Posta elettronika:

Numru ta' referenza tal-awtorità rikjedenti:

Sinjur/a,

Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/461 (1), l-avviż ta' konsultazzjoni tiegħek datat [jj.xx.ssss] bin-numru ta' referenza msemmi hawn fuq ġie pproċessat min-naħa tagħna.

Din ir-risposta hija soġġetta għad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

Fejn applikabbli, spjega kwalunkwe dubju li jista' jkollok fir-rigward tal-informazzjoni preċiża mitluba jew ta' kwalunkwe aspett ieħor ta' din il-valutazzjoni:

Inkludi l-informazzjoni mitluba hawn jew irreferi għall-annessi rilevanti li jinkludu l-informazzjoni mitluba:

Jekk hemm xi informazzjoni oħra essenzjali jew kwalunkwe informazzjoni oħra li l-awtorità li ssirilha t-talba tixtieq tipprovdi, niżżel dik l-informazzjoni hawnhekk jew agħti spjegazzjoni ta' kif se tiġi pprovduta, jew agħmel referenza għall-annessi rilevanti li jinkludu dik l-informazzjoni:

[Ipprovdi kwalunkwe informazzjoni essenzjali, bħall-istruttura tal-grupp jew il-valutazzjonijiet l-iktar reċenti tas-solidità finanzjarja tal-akkwirent propost jew tal-entità rilevanti regolata.]

Jekk hemm kwalunkwe opinjonijiet jew riżervi fir-rigward tal-akkwiżizzjoni proposta, iktibhom hawn:

Jekk kwalunkwe informazzjoni mitluba ma kinitx disponibbli waqt it-tħejjija ta' din ir-risposta u l-istennija għal din l-informazzjoni kienet tirriżulta li r-risposta tiġi sottomessa tard, identifika din l-informazzjoni hawn u speċifika meta huwa mistenni li tiġi pprovduta:

Dejjem tiegħek,

[firma]


(1)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/461 tas-16 ta' Marzu 2017 li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-proċeduri, il-forom u l-mudelli komuni għall-proċess ta' konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti rilevanti għall-akkwisti proposti ta' parteċipazzjoni kwalifikanti f'istituzzjonijiet ta' kreditu kif imsemmija fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 72, 17.3.2017, p. 57).

(2)  Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).


17.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 72/66


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/462

tas-16 ta' Marzu 2017

li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta' Ġunju 2011 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (2) u b'mod partikolari l-Artikolu 136(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula, skont ir-riżultat tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-kriterji li bihom il-Kummissjoni tiffissa l-valuri standard għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi stipulati fl-Anness XVI, il-Parti A tiegħu.

(2)

Il-valur standard tal-importazzjoni huwa kkalkulat kull ġurnata tax-xogħol skont l-Artikolu 136(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, billi jqis id-dejta varjabbli ta' kuljum. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri standard tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Marzu 2017.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Jerzy PLEWA

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.


ANNESS

Il-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

(EUR/100 kg)

Kodiċi tan-NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur standard tal-importazzjoni

0702 00 00

EG

184,2

MA

98,3

SN

196,7

TN

182,1

TR

96,3

ZZ

151,5

0707 00 05

EG

241,9

TR

178,3

ZZ

210,1

0709 93 10

MA

46,4

TR

135,9

ZZ

91,2

0805 10 22 , 0805 10 24 , 0805 10 28

EG

43,7

IL

69,3

MA

54,3

TN

55,3

TR

70,7

ZZ

58,7

0805 50 10

TR

66,0

ZZ

66,0

0808 10 80

CL

122,2

CN

154,7

US

105,5

ZA

116,3

ZZ

124,7

0808 30 90

AR

126,5

CL

134,8

CN

74,5

TR

148,9

ZA

113,6

ZZ

119,7


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1106/2012 tas-27 ta' Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma' pajjiżi li mhumiex membri, fir-rigward tal-aġġornament tan-nomenklatura tal-pajjiżi u t-territorji (ĠU L 328, 28.11.2012, p. 7). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “ta' oriġini oħra”.


17.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 72/68


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/463

tas-16 ta' Marzu 2017

li jiddetermina l-kwantitajiet li għandhom jiżdiedu mal-kwantità stabbilita għas-subperjodu mill-1 ta' Lulju sat-30 ta' Settembru 2017 fil-qafas tal-kwoti tariffarji miftuħa bir-Regolament (KE) Nru 1384/2007 għal-laħam tat-tjur li joriġina fl-Iżrael

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 188(2) u (3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1384/2007 (2) fetaħ il-kwoti tariffarji annwali għall-importazzjoni ta' prodotti tas-settur tal-laħam tat-tjur li joriġinaw fl-Iżrael.

(2)

Il-kwantitajiet koperti mill-applikazzjonijiet tal-liċenzji ta' importazzjoni mressqa mill-1 sas-7 ta' Marzu 2017 għas-subperjodu mill-1 ta' April sat-30 ta' Ġunju 2017 huma inqas mill-kwantitajiet disponibbli. Għalhekk, jeħtieġ li jiġu ddeterminati l-kwantitajiet li għalihom ma tressqux applikazzjonijiet, biex dawn jiżdiedu mal-kwantità stipulata għas-subperjodu tal-kwota li jmiss.

(3)

Sabiex tiġi żgurata l-ġestjoni effiċjenti tal-miżura, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-kwantitajiet li għalihom ma tressqux l-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1384/2007, li għandhom jiżdiedu għas-subperjodu mill-1 ta' Lulju sat-30 ta' Settembru 2017, jidhru fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Marzu 2017.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Jerzy PLEWA

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1384/2007 tas- 26 ta' Novembru 2007 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2398/96 rigward il-ftuħ u l-ġestjoni ta' ċerti kwoti li jirrigwardaw l-importazzjoni fil-Komunità ta' prodotti tas-settur tal-laħam tat-tjur li joriġinaw fl-Iżrael (ĠU L 309, 27.11.2007, p. 40).


ANNESS

Numru tal-ordni

Kwantitajiet mhux mitluba li għandhom jiżdiedu mal-kwantitajiet disponibbli għas-subperjodu mill-1 ta' Lulju sat-30 ta' Settembru 2017

(f'kg)

09.4091

280 000

09.4092

2 000 000


DEĊIŻJONIJIET

17.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 72/70


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT POLITIKU U TA' SIGURTÀ (PESK) 2017/464

tas-7 ta' Marzu 2017

dwar il-ħatra tal-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE għall-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Bożnija-Ħerzegovina u li tħassar id-Deċiżjoni BiH/21/2014 (BiH/24/2017)

IL-KUMITAT POLITIKU U TA' SIGURTÀ,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari t-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2004/570/PESK tat-12 ta' Lulju 2004 dwar l-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Bożnija-Ħerzegovina (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6 tagħha,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 6(1) tal-Azzjoni Konġunta 2004/570/PESK, il-Kunsill awtorizza lill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) biex jieħu deċiżjonijiet rilevanti dwar il-ħatra tal-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE.

(2)

Fit-18 ta' Marzu 2014, il-KPS adotta d-Deċiżjoni BiH/21/2014 (2) li taħtar lid-Deputat Kmandant Alleat Suprem għall-Ewropa (DSACEUR), il-Ġeneral Sir Adrian BRADSHAW bħala l-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE għall-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Bożnija-Ħerzegovina.

(3)

In-NATO ddeċidiet li taħtar lill-Logutenent Ġeneral Sir James EVERARD bħala DSACEUR biex jieħu post il-Ġeneral Sir Adrian BRADSHAW. L-inkarigu tal-Logutenent Ġeneral Sir James EVERARD jibda fit-28 ta' Marzu 2017. Minn dik id-data, il-Logutenent Ġeneral Sir James EVERARD għandu wkoll jieħu post il-Ġeneral Sir Adrian BRADSHAW fil-kapaċità tiegħu bħala Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE għall-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Bożnija-Ħerzegovina.

(4)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni BiH/21/2014 titħassar.

(5)

F'konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma tipparteċipax fl-elaborazzjoni u fl-implementazzjoni ta' deċiżjonijiet u azzjonijiet tal-Unjoni li jkollhom implikazzjonijiet ta' difiża.

(6)

Fit-12 u t-13 ta' Diċembru 2002, il-Kunsill Ewropew ta' Kopenħagen adotta dikjarazzjoni li tgħid li l-arranġamenti “Berlin plus” u l-implimentazzjoni tagħhom ser japplikaw biss għal dawk l-Istati Membri tal-Unjoni li huma wkoll jew membri tan-NATO jew li huma partijiet fis-“Sħubija għall-Paċi”, u li konsegwentement ikkonkludew arranġamenti bilaterali dwar is-sigurtà man-NATO,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Logutenent Ġeneral Sir James EVERARD huwa b'dan maħtur Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE għall-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Bożnija-Ħerzegovina mit-28 ta' Marzu 2017.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni BiH/21/2014 hija b'dan imħassra.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-28 ta' Marzu 2017.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Marzu 2017.

Għall-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà

Il-President

W. STEVENS


(1)  ĠU L 252, 28.7.2004, p. 10.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà BiH/21/2014 tat-18 ta' Marzu 2014 dwar il-ħatra tal-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE għall-Operazzjoni Militari tal-Unjoni Ewropea fil-Bosnja-Ħerzegovina u li tħassar id-Deċiżjoni BiH/17/2011 (ĠU L 95, 29.3.2014, p. 29).


ATTI ADOTTATI MINN KORPI STABBILITI PERMEZZ TA' FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

17.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 72/72


ID-DEĊIŻJONI Nru 45/2016 TAL-KUMITAT KONĠUNT STABBILIT SKONT IL-FTEHIM TA' GĦARFIEN REĊIPROKU BEJN IL-KOMUNITÀ EWROPEA U L-ISTATI UNITI TAL-AMERKA

tal-1 ta' Marzu 2017

relatata mal-elenkar ta' Korpi għall-Valutazzjoni tal-Konformità fl-Anness Settorjali għall-Kompatibbiltà Elettromanjetika [2017/465]

IL-KUMITAT KONĠUNT,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Għarfien Reċiproku bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika u b'mod partikolari l-Artikoli 7 u 14;

Billi l-Kumitat Konġunt irid jieħu deċiżjoni li jelenka Korp jew Korpi għall-Valutazzjoni tal-Konformità taħt Anness Settorjali;

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

1.

Il-Korp għall-Valutazzjoni tal-Konformità fl-Hemża A qed jiżdied mal-lista ta' Korpi għall-Valutazzjoni tal-Konformità fil-kolonna “Aċċess tal-KE għas-suq tal-Istati Uniti” fit-Taqsima V tal-Anness Settorjali għall-Kompatibbiltà Elettromanjetika.

2.

Il-kamp ta' applikazzjoni speċifiku tal-elenkar, fir-rigward ta' prodotti u proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità, tal-Korp għall-Valutazzjoni tal-Konformità indikati fl-Hemża A, ġew miftiehma mill-Partijiet u se jinżammu minnhom.

Din id-Deċiżjoni, magħmula f'żewġ kopji, għandha tiġi ffirmata minn rappreżentanti tal-Kumitat Konġunt li huma awtorizzati joperaw f'isem il-Partijiet għall-finijiet ta' emendar tal-Ftehim. Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ minn dakinhar li ssir l-aħħar waħda minn dawn il-firem.

F'isem l-Istati Uniti tal-Amerika

James C. SANFORD

Iffirmat f'Washington DC, fit-13 ta' Frar 2017

F'isem l-Unjoni Ewropea

Ignacio IRUARRIZAGA

Iffirmat fi Brussell, fl-1 ta' Marzu 2017


Hemża A

Korp għall-Valutazzjoni tal-Konformità tal-KE miżjud mal-lista ta' Korpi għall-Valutazzjoni tal-Konformità fil-kolonna “Aċċess tal-KE għas-suq tal-Istati Uniti” fit-Taqsima V tal-Anness Settorjali għall-Kompatibbiltà Elettromanjetika

PRIMA RICERCA & SVILUPPO S.r.l.

via Campagna, 92

I-22020 Faloppio (Como)

L-ITALJA


17.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 72/74


ID-DEĊIŻJONI Nru 46/2016 TAL-KUMITAT KONĠUNT STABBILIT SKONT IL-FTEHIM TA' GĦARFIEN REĊIPROKU BEJN IL-KOMUNITÀ EWROPEA U L-ISTATI UNITI TAL-AMERKA

tal-1 ta' Marzu 2017

relatata mal-elenkar ta' Korpi għall-Valutazzjoni tal-Konformità fl-Anness Settorjali dwar it-Tagħmir tat-Telekomunikazzjoni [2017/466]

IL-KUMITAT KONĠUNT,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Għarfien Reċiproku bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika u b'mod partikolari l-Artikoli 7 u 14;

Billi l-Kumitat Konġunt irid jieħu deċiżjoni li jelenka Korp jew Korpi għall-Valutazzjoni tal-Konformità taħt Anness Settorjali;

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

1.

Il-Korp għall-Valutazzjoni tal-Konformità fl-Hemża A qed jiżdied mal-lista ta' Korpi għall-Valutazzjoni tal-Konformità fil-kolonna “Aċċess tal-KE għas-suq tal-Istati Uniti” fit-Taqsima V tal-Anness Settorjali dwar it-Tagħmir tat-Telekomunikazzjoni.

2.

Il-kamp ta' applikazzjoni speċifiku tal-elenkar, fir-rigward ta' prodotti u proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità, tal-Korp għall-Valutazzjoni tal-Konformità indikati fl-Hemża A, ġew miftiehma mill-Partijiet u se jinżammu minnhom.

Din id-Deċiżjoni, magħmula f'żewġ kopji, għandha tiġi ffirmata minn rappreżentanti tal-Kumitat Konġunt li huma awtorizzati joperaw f'isem il-Partijiet għall-finijiet ta' emendar tal-Ftehim. Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ minn dakinhar li ssir l-aħħar waħda minn dawn il-firem.

F'isem l-Istati Uniti tal-Amerika

James C. SANFORD

Iffirmat f'Washington DC, fit-13 ta' Frar 2017

F'isem l-Unjoni Ewropea

Ignacio IRUARRIZAGA

Iffirmat fi Brussell, fl-1 ta' Marzu 2017


Hemża A

Korp għall-Valutazzjoni tal-Konformità tal-KE miżjud mal-lista ta' Korpi għall-Valutazzjoni tal-Konformità fil-kolonna “Aċċess tal-KE għas-suq tal-Istati Uniti” fit-Taqsima V tal-Anness Settorjali dwar t-Tagħmir tat-Telekomunikazzjoni

AT4 wireless S.A.U.

Parque Tecnológico de Andalucía

C/Severo Ochoa 2 y 6

29590 Málaga

SPANJA


17.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 72/76


ID-DEĊIŻJONI Nru 47/2016 TAL-KUMITAT KONĠUNT STABBILIT SKONT IL-FTEHIM TA' GĦARFIEN REĊIPROKU BEJN IL-KOMUNITÀ EWROPEA U L-ISTATI UNITI TAL-AMERKA

tal-1 ta' Marzu 2017

relatata mal-elenkar ta' Korpi għall-Valutazzjoni tal-Konformità fl-Anness Settorjali għall-Kompatibbiltà Elettromanjetika [2017/467]

IL-KUMITAT KONĠUNT,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Għarfien Reċiproku bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika u b'mod partikolari l-Artikoli 7 u 14;

Billi l-Kumitat Konġunt irid jieħu deċiżjoni li jelenka Korp jew Korpi għall-Valutazzjoni tal-Konformità taħt Anness Settorjali;

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

1.

Il-Korp għall-Valutazzjoni tal-Konformità fl-Hemża A qed jiżdied mal-lista ta' Korpi għall-Valutazzjoni tal-Konformità fil-kolonna “Aċċess tal-KE għas-suq tal-Istati Uniti” fit-Taqsima V tal-Anness Settorjali għall-Kompatibbiltà Elettromanjetika.

2.

Il-kamp ta' applikazzjoni speċifiku tal-elenkar, fir-rigward ta' prodotti u proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità, tal-Korp għall-Valutazzjoni tal-Konformità indikati fl-Hemża A, ġew miftiehma mill-Partijiet u se jinżammu minnhom.

Din id-Deċiżjoni, magħmula f'żewġ kopji, għandha tiġi ffirmata minn rappreżentanti tal-Kumitat Konġunt li huma awtorizzati joperaw f'isem il-Partijiet għall-finijiet ta' emendar tal-Ftehim. Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ minn dakinhar li ssir l-aħħar waħda minn dawn il-firem.

F'isem l-Istati Uniti tal-Amerika

James C. SANFORD

Iffirmat f'Washington DC, fit-13 ta' Frar 2017

F'isem l-Unjoni Ewropea

Ignacio IRUARRIZAGA

Iffirmat fi Brussell, fl-1 ta' Marzu 2017


Hemża A

Korp għall-Valutazzjoni tal-Konformità tal-KE miżjud mal-lista ta' Korpi għall-Valutazzjoni tal-Konformità fil-kolonna “Aċċess tal-KE għas-suq tal-Istati Uniti” fit-Taqsima V tal-Anness Settorjali għall-Kompatibbiltà Elettromanjetika

Intertek Deutschland GmbH.

Innovapark 20

87600 Kaufbeuren

IL-ĠERMANJA