ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 310

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 58
26 ta' Novembru 2015


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament (UE) 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi miżuri dwar aċċess għal Internet miftuħ u li jemenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u r-Regolament (UE) Nru 531/2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni  ( 1 )

1

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

REGOLAMENTI

26.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 310/1


REGOLAMENT (UE) 2015/2120 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-25 ta’ Novembru 2015

li jistabbilixxi miżuri dwar aċċess għal Internet miftuħ u li jemenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u r-Regolament (UE) Nru 531/2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Dan ir-Regolament għandu l-għan li jistabbilixxi regoli komuni għas-salvagwardja tat-trattament indaqs u nondiskriminatorju tat-traffiku fil-forniment tas-servizzi ta’ aċċess għall-Internet u tad-drittijiet relatati tal-utenti aħħarin. Huwa għandu l-għan li jipproteġi lill-utenti aħħarin u fl-istess waqt li jiżgura kontinwità fil-funzjonament tal-ekosistema tal-Internet bħala mutur ta’ innovazzjoni. Ir-riformi fil-qasam tar-roaming għandhom jagħtu lill-utenti aħħarin il-fiduċja li jibqgħu konnessi meta jivvjaġġaw fl-Unjoni, u maż-żmien għandhom jixprunaw kondizzjonijiet konverġenti dwar l-ipprezzar u kondizzjonijiet oħrajn fl-Unjoni.

(2)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament jirrispettaw il-prinċipju tan-newtralità teknoloġika, jiġifieri li la jimponu u lanqas jiddiskriminaw favur l-użu ta’ tip partikolari ta’ teknoloġija.

(3)

Matul l-aħħar deċennji l-Internet żviluppa bħala pjattaforma miftuħa għall-innovazzjoni bi ftit xkiel għall-aċċess għall-utenti aħħarin, għall-fornituri tal-kontenut, tal-applikazzjonijiet u tas-servizzi u għall-fornituri tas-servizzi tal-aċċess għall-Internet. Il-qafas regolatorju eżistenti għandu l-għan li jippromwovi l-kapaċità tal-utenti aħħarin li jiksbu aċċess għall-informazzjoni u jiddistribwixxuha jew li jużaw l-applikazzjonijiet u s-servizzi li jagħżlu huma. Madankollu, hemm numru sinifikanti ta’ utenti aħħarin li jiġu affettwati mill-prattiki tal-ġestjoni tat-traffiku li jimblukkaw jew inaqqsu r-rapidità ta’ applikazzjonijiet speċifiċi jew servizzi. Dawk it-tendenzi jeħtieġu regoli komuni fil-livell tal-Unjoni biex tiġi żgurata l-aċċessibbiltà tal-Internet u biex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq intern li tirriżulta minn miżuri adottati minn Stati Membri individwali.

(4)

Servizz ta’ aċċess għall-Internet jipprovdi aċċess għall-Internet, u fil-prinċipju għall-punti aħħarin kollha tiegħu, irrispettivament mit-teknoloġija tan-netwerk u t-tagħmir tat-terminals użati mill-utenti aħħarin. Madankollu, għal raġunijiet li ma jaqgħux taħt il-kontroll tal-fornituri tas-servizz ta’ aċċess għall-Internet, jista’ jkun li ċerti punti aħħarin tal-Internet mhux dejjem ikunu aċċessibbli. Għalhekk, tali fornituri għandhom jitqiesu li jikkonformaw mal-obbligi tagħhom relatati mal-għoti ta’ servizz ta’ aċċess għall-Internet fit-tifsira ta’ dan ir-Regolament meta dak is-servizz jipprovdi konnettività virtwalment lil kull punt aħħari tal-Internet. Għalhekk, il-fornituri tas-servizzi ta’ aċċess għall-Internet ma għandhomx jirrestrinġu l-konnettività għal kwalunkwe punt aħħari aċċessibbli tal-Internet.

(5)

Meta jaċċessaw l-Internet, l-utenti aħħarin għandhom ikunu liberi li jagħżlu bejn diversi tipi ta’ tagħmir tat-terminals kif definit fid-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/63/KE (4). Il-fornituri tas-servizzi ta’ aċċess għall-Internet ma għandhomx jimponu restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ tagħmir tat-terminals għall-konnessjoni man-netwerk minbarra dawk imposti mill-manifatturi jew id-distributuri tat-tagħmir tat-terminals f’konformità mal-liġi tal-Unjoni.

(6)

L-utenti aħħarin għandu jkollhom id-dritt għall-aċċess u d-distribuzzjoni tal-informazzjoni u l-kontenut, u biex jużaw u jipprovdu applikazzjonijiet u servizzi mingħajr diskriminazzjoni, permezz tas-servizz tagħhom ta’ aċċess għall-Internet. L-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għandu jkun mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni, jew il-liġi nazzjonali li tkun konformi mal-liġi tal-Unjoni, rigward il-legalità tal-kontenut, l-applikazzjonijiet jew is-servizzi. Dan ir-Regolament ma għandux l-għan li jirregola l-legalitàtal–kontenut, l-applikazzjonijiet jew is-servizzi, u lanqas ma għandu l-għan li jirregola l-proċeduri, ir-rekwiżiti u s-salvagwardji relatati magħhom. Dawk il-kwistjonijiet għalhekk jibqgħu soġġetti għal-liġi tal-Unjoni, jew il-liġi nazzjonali li hi konformi mal-liġi tal-Unjoni.

(7)

Sabiex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom li jaċċessaw u jxerrdu informazzjoni u kontenut, u biex jużaw u jipprovdu applikazzjonijiet u servizzi tal-għażla tagħhom, l-utenti aħħarin għandhom ikunu liberi li jiftiehmu ma’ fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet fuq tariffi għal volumi u veloċitajiet speċifiċi tad-data tas-servizz ta’ aċċess għall-Internet. Tali ftehimiet, kif ukoll kwalunkwe prattiki kummerċjali ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet, ma għandhomx jillimitaw l-eżerċizzju ta’ dawk id-drittijiet u b’hekk jiġu evitati d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament dwar is-salvagwardja tal-aċċess għal Internet miftuħ. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u awtoritajiet kompetenti oħra għandu jkollhom is-setgħa li jintervjenu kontra ftehimiet jew prattiki kummerċjali li, minħabba l-iskala tagħhom, iwasslu għal sitwazzjonijiet fejn l-għażla tal-utenti aħħarin, fil-prattika, titnaqqas b’mod materjali. Għal dan il-għan, il-valutazzjoni tal-ftehimiet u l-prattiki kummerċjali għandha, fost l-oħrajn, tieħu kont tal-pożizzjonijiet rispettivi fis-suq ta’ dawk il-fornituri tas-servizzi ta’ aċċess għall-Internet, u tal-fornituri tal-kontenut, l-applikazzjonijiet u s-servizzi, li huma involuti. L-awtoritajiet kompetenti regolatorji nazzjonali u awtoritajiet kompetenti oħrajn għandhom, bħala parti mill-funzjoni tagħhom ta’ monitoraġġ u infurzar, jiġu meħtieġa jintervjenu meta l-ftehimiet jew il-prattiki kummerċjali jwasslu biex l-essenza tad-drittijiet tal-utenti aħħarin tiddgħajjef.

(8)

Meta jiġu pprovduti servizzi ta’ aċċess għall-Internet, il-fornituri ta’ dawk is-servizzi għandhom jittrattaw it-traffiku kollu b’mod indaqs, mingħajr diskriminazzjoni, restrizzjoni jew interferenza, indipendentement minn min jibgħat jew minn min jirċievi, il-kontenut, l-applikazzjoni jew is-servizz, jew it-tagħmir tat-terminal. Skont il-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni u l-każistika stabbilita, sitwazzjonijiet komparabbli ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod differenti u sitwazzjonijiet differenti ma għandhomx jiġu ttrattati bl-istess mod dment li dan it-trattament ma jiġix ġustifikat b’mod oġġettiv.

(9)

L-objettiv ta’ ġestjoni raġonevoli tat-traffiku hu li jsir kontribut għal użu effiċjenti ta’ riżorsi tan-netwerk u għal ottimizzazzjoni tal-kwalità globali tat-trasmissjoni b’reazzjoni għar-rekwiżiti tal-kwalità teknika oġġettivament differenti tas-servizz ta’ kategoriji speċifiċi ta’ traffiku, u għaldaqstant tal-kontenut, l-applikazzjonijiet u s-servizzi trasmessi. Il-miżuri raġonevoli ta’ ġestjoni tat-traffiku li jiġu applikati mill-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet għandhom ikunu trasparenti, nondiskriminatorji u proporzjonati, u ma għandhomx ikunu bbażati fuq konsiderazzjonijiet kummerċjali. Ir-rekwiżit li l-miżuri ta’ ġestjoni tat-traffiku jkunu nondiskriminatorji ma jeskludix li, bil-għan li tiġi ottimizzata l-kwalità globali tat-trasmissjoni, il-fornituri tas-servizzi ta’ aċċess għall-Internet jimplimentaw miżuri ta’ ġestjoni tat-traffiku li jagħmlu differenza bejn kategoriji oġġettivament differenti ta’ traffiku. Bil-għan li jiġu ottimizzati l-kwalità globali u l-esperjenza tal-utent, kwalunkwe differenzjazzjoni ta’ dan it-tip għandha tiġi permessa biss abbażi ta’ rekwiżiti oġġettivament differenti għall-kwalità teknika tas-servizz (pereżempju, f’termini ta’ latenza, jitter, telfien ta’ pakketti, u wisa’ tal-band) tal-kategoriji speċifiċi tat-traffiku, u mhux abbażi ta’ konsiderazzjonijiet kummerċjali. Tali miżuri ta’ differenzjazzjoni għandhom ikunu proporzjonati fir-rigward tal-għan ta’ ottimizzazzjoni tal-kwalità globali u għandhom jittrattaw it-traffiku ekwivalenti bl-istess mod. Tali miżuri m’għandhomx jinżammu aktar fit-tul minn dak li jkun meħtieġ.

(10)

Ġestjoni raġonevoli tat-traffiku ma tirrikjedix tekniki ta’ monitoraġġ tal-kontenut speċifiku tat-traffiku tad-data trasmessa mis-servizz ta’ aċċess għall-Internet.

(11)

Kwalunkwe prattika ta’ ġestjoni tat-traffiku li tmur lil hinn minn tali miżuri raġonevoli ta’ ġestjoni tat-traffiku, billi timblokka, tnaqqas il-veloċità, tibdel, tirrestrinġi, tinterferixxi fi, tiddegrada jew tiddiskrimina bejn kontenut, applikazzjonijiet jew servizzi speċifiċi, jew kategoriji speċifiċi ta’ kontenut, applikazzjonijiet jew servizzi, għandha tkun ipprojbita, soġġett għall-eċċezzjonijiet ġustifikati u definiti stabbiliti f’dan ir-Regolament. Dawk l-eċċezzjonijiet għandhom jiġu soġġetti għal interpretazzjoni stretta u rekwiżiti ta’ proporzjonalità. L-applikazzjonijiet u s-servizzi speċifiċi, kif ukoll il-kategoriji speċifiċi tagħhom għandhom jiġu protetti minħabba l-impatt negattiv fuq l-għażla tal-utent aħħari u l-innovazzjoni tal-imblukkar, jew ta’ miżuri restrittivi oħrajn li ma jaqgħux taħt l-eċċezzjonijiet ġustifikati. Ir-regoli kontra tibdil fil-kontenut, l-applikazzjonijiet jew is-servizzi jirreferu għal modifika fil-kontenut tal-komunikazzjoni, iżda ma jipprojbixxux it-tekniki ta’ kompressjoni ta’ data nondiskriminatorja li jnaqqsu d-daqs ta’ fajl ta’ data mingħajr ebda modifika fil-kontenut. Tali kompressjoni tippermetti użu aktar effiċjenti ta’ riżorsi skarsi u tissodisfa l-interessi tal-utenti aħħarin billi jitnaqqsu l-volumi tad-data, tiżdied il-veloċità u titjieb l-esperjenza tal-użu tal-kontenut, l-applikazzjonijiet jew s-servizzi kkonċernati.

(12)

Miżuri ta’ ġestjoni tat-traffiku li jmorru lil hinn minn tali miżuri raġonevoli ta’ ġestjoni tat-traffiku jistgħu jiġu applikati biss kif meħtieġ u sakemm ikunu meħtieġa biex jikkonformaw mat-tliet eċċezzjonijiet ġustifikati stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(13)

L-ewwel, jistgħu jinħolqu sitwazzjonijiet fejn fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet huma soġġetti għal-atti leġislattivi tal-Unjoni, jew għal-leġislazzjoni nazzjonali li hija konformi mal-liġi tal-Unjoni, (pereżempju, marbuta mal-legalità tal-kontenut, l-applikazzjonijiet jew is-servizzi, jew marbuta mas-sikurezza tal-pubbliku), inkluż id-dritt kriminali, li teħtieġ, pereżempju, l-imblukkar ta’ kontenut, applikazzjonijiet jew servizzi speċifiċi. Barra minn hekk, jistgħu jinħolqu sitwazzjonijiet fejn dawk il-fornituri jkunu soġġetti għal miżuri li jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni, jimplimentaw jew japplikaw atti leġislattivi tal-Unjoni jew leġislazzjoni nazzjonali, bħal miżuri ta’ applikazzjoni ġenerali, ordnijiet tal-qorti, deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet pubbliċi vestiti b’setgħat rilevanti, jew miżuri oħrajn li jiżguraw konformità ma’ tali atti leġislattivi tal-Unjoni jew leġislazzjoni nazzjonali (pereżempju, obbligi ta’ konformità ma’ ordnijiet tal-qorti jew ordnijiet mill-awtoritajiet pubbliċi li jeħtieġu l-imblukkar tal-kontenut illegali). Ir-rekwiżit ta’ konformità mal-liġi tal-Unjoni, hi marbuta, fost l-oħrajn, mal-konformità mar-rekwiżiti tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”) b’rabta mal-limitazzjonijiet fl-eżerċizzju tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali. Kif previst fid-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), kwalunkwe miżura li tista’ tirrestrinġi dawk id-drittijiet jew il-libertajiet fundamentali tista’ tiġi imposta biss jekk tkun adatta, proporzjonata u meħtieġa f’soċjetà demokratika, u jekk l-implimentazzjoni tagħha għandha tkun soġġetta għal salvagwardji proċedurali adegwati f’konformità mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, inkluż id-dispożizzjonijiet tagħha dwar il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva u proċess dovut.

(14)

It-tieni, miżuri ta’ ġestjoni tat-traffiku li jmorru lil hinn minn tali miżuri raġonevoli ta’ ġestjoni tat-traffiku jistgħu jkunu meħtieġa sabiex jipproteġu l-integrità u s-sigurtà tan-netwerk, pereżempju fil-prevenzjoni ta’ attakki ċibernetiċi li jsiru permezz tat-tixrid ta’ software malizzjuż jew is-serq tal-identità tal-utenti aħħarin bħala riżultat ta’ spyware.

(15)

It-tielet, miżuri li jmorru lil hinn minn tali miżuri raġonevoli ta’ ġestjoni tat-traffiku jistgħu wkoll ikunu meħtieġa għall-prevenzjoni tal-konġestjoni imminenti tan-netwerk, jiġifieri sitwazzjonijiet fejn tkun ser isseħħ konġestjoni, u biex itaffu l-effetti tal-konġestjoni tan-netwerk, fejn tali konġestjoni sseħħ biss temporanjament jew f’ċirkostanzi eċċezzjonali. Il-prinċipju tal-proporzjonalità jeħtieġ li l-miżuri ta’ ġestjoni tat-traffiku bbażati fuq dik l-eċċezzjoni jittrattaw il-kategoriji ekwivalenti tat-traffiku bl-istess mod. Il-konġestjoni temporanja għandha tinftiehem li tirreferi għal sitwazzjonijiet speċifiċi fuq perijodu ta’ żmien qasir, fejn żieda f’daqqa fin-numru ta’ utenti minbarra l-utenti regolari, jew żieda f’daqqa fid-domanda għal kontenut, applikazzjonijiet jew servizzi speċifiċi tista’ tfawwar il-kapaċità ta’ trasmissjoni ta’ xi elementi tan-netwerk u l-bqija tan-netwerk issir inqas reattiva. Konġestjoni temporanja tista’ sseħħ speċjalment f’netwerks mobbli, li huma soġġetti għal kondizzjonijiet aktar varjabbli, bħal ostakli fiżiċi, inqas kopertura fuq ġewwa, jew numru varjabbli ta’ utenti attivi bi bdil fil-pożizzjoni. Filwaqt li jista’ jkun prevedibbli li tali konġestjoni temporanja tista’ sseħħ minn żmien għal żmien f’ċerti punti fin-netwerk, b’tali mod li ma tistax titqies bħala eċċezzjonali, din ma tistax isseħħ daqshekk sspiss jew għal perijodi li tant ikunu estensivi li l-espansjoni tal-kapaċità tkun ekonomikament ġustifikata. Il-konġestjoni eċċezzjonali għandha tinftiehem li tirreferi għal sitwazzjonijiet imprevedibbli u inevitabbli ta’ konġestjoni, kemm fin-netwerks mobbli kif ukoll f’dawk fissi. Kawżi possibbli ta’ dawk is-sitwazzjonijiet jinkludu ħsara teknika bħal nuqqas ta’ disponibbiltà fis-servizz minħabba kejbils miksurin jew elementi oħrajn tal-infrastruttura, bidliet mhux mistennija fir-routing tat-traffiku jew żidiet kbar fit-traffiku tan-netwerk minħabba emerġenza jew sitwazzjonijiet oħrajn lil hinn mill-kontroll tal-fornitur ta’ servizz ta’ aċċess għall-Internet. Dawn il-problemi fil-konġestjoni x’aktarx li ma jkunux frekwenti iżda jistgħu jkunu gravi, u mhux neċessarjament ikunu għal tul ta’ żmien qasir. Il-ħtieġa li jiġu applikati miżuri ta’ ġestjoni tat-traffiku li jmorru lil hinn mill-miżuri raġonevoli ta’ ġestjoni tat-traffiku sabiex jiġu evitati jew mitigati l-effetti ta’ konġestjoni temporanja jew eċċezzjonali tan-netwerk, ma għandhiex tagħti lill-fornituri tas-servizzi ta’ aċċess għall-Internet il-possibbiltà li jevadu l-projbizzjoni ġenerali li jimblukkaw, inaqqsu l-veloċità, ibiddlu, jirrestrinġu, jinterferixxu, jiddegradaw jew jiddiskriminaw bejn kontenut, applikazzjonijiet jew servizzi speċifiċi, jew kategoriji speċifiċi tagħhom. Konġestjoni tan-netwerk rikorrenti u aktar dejjiema li la tkun eċċezzjonali u lanqas temporanja ma għandhiex tibbenefika minn dik l-eċċezzjoni iżda għandha pjuttost tiġi trattata permezz ta’ espansjoni tal-kapaċità tan-netwerk.

(16)

Hemm domanda min-naħa tal-fornituri tal-kontenut, l-applikazzjonijiet u s-servizzi biex ikunu jistgħu jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika li mhumiex servizzi ta’ aċċess għall-Internet, li għalihom ikunu meħtieġa livelli speċifiċi ta’ kwalità, li mhumiex garantiti mis-servizzi ta’ aċċess għall-Internet. Dawn il-livelli speċifiċi ta’ kwalità huma, pereżempju, meħtieġa minn xi servizzi li jwieġbu għal interess pubbliku jew minn xi servizzi ta’ komunikazzjoni ġodda minn magna għal oħra. Il-fornituri tal-komunikazzjoni elettronika għall-pubbliku, inklużi l-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet, u l-fornituri ta’ kontenut, applikazzjonijiet u servizzi għandhom ikunu liberi li joffru servizzi għajr servizzi ta’ aċċess għall-Internet li jiġu ottimizzati għal kontenut, applikazzjonijiet jew servizzi speċifiċi, jew taħlita tagħhom, meta l-ottimizzazzjoni tkun meħtieġa sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti tal-kontenut, l-applikazzjonijiet jew is-servizzi għal livell speċifiku ta’ kwalità. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jivverifikaw jekk u sa fejn tali ottimizzazzjoni tkun oġġettivament meħtieġa biex tiġi żgurata karatteristika ewlenija waħda jew iktar tal-kontenut, l-applikazzjonijiet jew is-servizzi u biex l-utenti aħħarin ikunu jistgħu jingħataw garanzija tal-kwalità korrispondenti, pjuttost milli jingħataw biss prijorità ġenerali fuq kontenut, applikazzjonijiet jew servizzi komparabbli disponibbli permezz tas-servizz tal-aċċess għall-Internet u b’hekk jiġu evitati d-dispożizzjonijiet dwar il-miżuri ta’ ġestjoni tat-traffiku li japplikaw għas-servizzi ta’ aċċess għall-Internet.

(17)

Sabiex jiġi evitat li l-forniment ta’ tali servizzi oħra jkollhom impatt negattiv fuq id-disponibbiltà jew il-kwalità ġenerali tas-servizzi ta’ aċċess għall-Internet tal-utenti aħħarin, għandha tiġi żgurata biżżejjed kapaċità. Il-fornituri ta’ komunikazzjoni elettronika għall-pubbliku, inklużi l-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet ma għandhomx, għalhekk, joffru servizzi oħrajn ta’ dan it-tip, jew jikkonkludu ftehimiet korrispondenti mal-fornituri tal-kontenut, l-applikazzjonijiet jew is-servizzi li jiffaċilitaw dawn it-tip ta’ servizzi oħra, ħlief jekk il-kapaċità tan-netwerk tkun biżżejjed għall-għoti tagħhom flimkien ma’ kwalunkwe servizz ta’ aċċess għall-Internet ipprovdut. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament dwar il-ħarsien ta’ aċċess għal Internet miftuħ ma għandhomx jiġu evitati permezz ta’ servizzi oħra li jistgħu jintużaw jew jiġu offruti bħala sostitut għal servizzi tal-aċċess għall-Internet. Madankollu, is-sempliċi fatt li s-servizzi korporattivi bħan-netwerks privati virtwali jistgħu wkoll jagħtu aċċess għall-Internet ma għandux iwassal li dawn jitqiesu bħala sostituzzjoni tas-servizzi ta’ aċċess għall-Internet dment li l-għoti ta’ tali aċċess għall-Internet minn fornitur tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku jikkonforma mal-Artikolu 3(1) sa (4) ta’ dan ir-Regolament u għalhekk ma jistax jitqies bħala evażjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet. L-għoti ta’ tali servizzi għajr is-servizzi ta’ aċċess għall-Internet ma għandux ikun għad-detriment tad-disponibbiltà u l-kwalità ġenerali tas-servizzi ta’ aċċess għall-Internet għall-utenti aħħarin. F’netwerks mobbli, hu aktar diffiċli li jiġu antiċipati l-volumi tat-traffiku f’ċellula tar-radju partikolari minħabba n-numru varjabbli ta’ utenti aħħarin attivi, u għal din ir-raġuni, f’ċirkostanzi imprevedibbli, jista’ jseħħ impatt fuq il-kwalità tas-servizz ta’ aċċess għall-Internet għall-utenti aħħarin. F’netwerks mobbli, ma għandux jitqies li l-kwalità ġenerali tas-servizz ta’ aċċess għall-Internet għall-utenti aħħarin qed iġġarrab ħsara fejn l-impatt negattiv aggregat tas-servizzi għajr is-servizzi ta’ aċċess għall-Internet ikun inevitabbli, minimu u limitat għal tul ta’ żmien qasir. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiżguraw li l-fornituri tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku jikkonformaw ma’ dak ir-rekwiżit. F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jivvalutaw l-impatt fuq id-disponibbiltà u l-kwalità ġenerali tas-servizzi ta’ aċċess għall-Internet billi janalizzaw, fost l-oħrajn, il-parametri tal-kwalità tas-servizz (bħal latenza, jitter, telfien ta’ pakketti), il-livelli u l-effetti tal-konġestjoni tan-netwerk, il-veloċitajiet attwali versus dawk riklamati, il-prestazzjoni tas-servizzi ta’ aċċess għall-Internet meta imqabbla ma’ servizzi oħra għajr servizzi ta’ aċċess għall-Internet, u l-kwalità kif perċepita mill-utenti aħħarin.

(18)

Id-dispożizzjonijiet dwar is-salvagwardja tal-aċċess għal Internet miftuħ għandhom ikunu kkomplementati minn dispożizzjonijiet effettivi dwar l-utenti aħħarin li jindirizzaw kwistjonijiet marbuta b’mod partikolari mas-servizzi ta’ aċċess għall-Internet u li jippermettu li l-utenti aħħarin jagħmlu għażliet infurmati. Dawk id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw flimkien mad-dispożizzjonijiet applikabbli tad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u l-Istati Membri għandu jkollhom il-possibbiltà li jżommu jew jadottaw miżuri aktar estensivi. Il-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet għandhom jinfurmaw b’mod ċar lill-utenti aħħarin dwar kif il-prattiki ta’ ġestjoni tat-traffiku li jintużaw jista’ jkollhom impatt fuq il-kwalità tas-servizzi ta’ aċċess għall-Internet, il-privatezza tal-utenti aħħarin u l-protezzjoni tad-data personali kif ukoll dwar l-impatt possibbli ta’ servizzi oħrajn għajr is-servizzi ta’ aċċess għall-Internet li tagħhom jagħmlu parti, fuq il-kwalità u d-disponibbiltà tas-servizzi ta’ aċċess għall-Internet rispettivi tagħhom. Sabiex l-utenti aħħarin ikollhom setgħat f’sitwazzjonijiet bħal dawn, il-fornituri tas-servizzi tal-aċċess għall-Internet għandhom għalhekk jinfurmaw lill-utenti aħħarin fil-kuntratt bil-veloċità li jistgħu realistikament jipprovdu. Il-veloċità normalment disponibbli għandha tinftiehem bħala l-veloċità li jista’ jistenna li jirċievi l-utent aħħari fil-biċċa l-kbira tal-ħin meta jikseb aċċess għas-servizz. Il-fornituri tas-servizzi ta’ aċċess għall-Internet għandhom ukoll jinfurmaw lill-konsumaturi dwar ir-rimedji disponibbli f’konformità mal-liġi nazzjonali fil-każ tan-nuqqas ta’ konformità tal-prestazzjoni. Kwalunkwe differenza sinifikanti u kontinwa jew li sseħħ regolarment, fejn stabbilita minn mekkaniżmu ta’ monitoraġġ iċċertifikat mill-awtorità regolatorja nazzjonali, bejn il-prestazzjoni proprja tas-servizz u l-prestazzjoni indikata fil-kuntratt, għandha titqies li tikkostitwixxi nuqqas ta’ konformità b’rabta mal-prestazzjoni għall-finijiet li jiġu ddeterminati r-rimedji disponibbli għall-konsumatur f’konformità mal-liġi nazzjonali. Il-metodoloġija għandha tiġi stabbilita fil-linji gwida tal-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u tiġi rieżaminata u aġġornata skont il-ħtieġa biex tirrifletti l-evoluzzjoni fit-teknoloġija u fl-infrastruttura. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jinfurzaw il-konformità mar-regoli f’dan ir-Regolament dwar il-miżuri ta’ trasparenza biex jiġi żgurat aċċess għal Internet miftuħ.

(19)

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom rwol essenzjali li jiżguraw li l-utenti aħħarin ikunu jistgħu jeżerċitaw b’mod effettiv id-drittijiet tagħhom stabbiliti f’dan ir-Regolament u li jkun hemm konformità mar-regoli dwar is-salvagwardja ta’ aċċess għal Internet miftuħ. Għal dak il-għan, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandu jkollhom obbligi ta’ monitoraġġ u rapportar, u għandhom jiżguraw li l-fornituri tal-komunikazzjoni elettronika għall-pubbliku, inkluż il-fornituri tas-servizzi ta’ aċċess għall-Internet, jikkonformaw mal-obbligi tagħhomdwar is-salvagwardja ta’ aċċess għal Internet miftuħ. Dawk jinkludu l-obbligu li tiġi żgurata kapaċità biżżejjed fin-netwerk għall-forniment ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet nondiskriminatorji ta’ kwalità għolja, li l-kwalità ġenerali tagħhom ma għandhiex iġġarrab ħsara minħabba l-forniment tas-servizzi, għajr is-servizzi ta’ aċċess għall-Internet, b’livell speċifiku ta’ kwalità. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandu wkoll ikollhom setgħat li jimponu rekwiżiti li jikkonċernaw karatteristiċi tekniċi, rekwiżiti minimi ta’ kwalità tas-servizz u miżuri adatti oħrajn fuq il-fornituri kollha jew fornituri individwali ta’ komunikazzjoni elettronika għall-pubbliku jekk dan ikun meħtieġ biex tiġi żgurata l-konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament dwar is-salvagwardja ta’ aċċess għal Internet miftuħ jew għall-prevenzjoni tad-degradazzjoni tal-kwalità ġenerali tas-servizzi ta’ aċċess għall-Internet għall-utenti aħħarin. Meta jagħmlu dan, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom iqisu bl-akbar reqqa l-linji gwida rilevanti tal-BEREC.

(20)

Is-suq tal-komunikazzjoni mobbli jibqa’ frammentat fl-Unjoni, u mingħajr netwerk mobbli li jkopri l-Istati Membri kollha. Konsegwentement, sabiex jipprovdu servizzi tal-komunikazzjoni mobbli lill-klijenti domestiċi tagћhom li jivvjaġġaw fl-Unjoni, jinħtieġ li l-fornituri tar-roaming jixtru servizzi ta’ roaming bl-ingrossa minn operaturi fi Stat Membru li jkunu żaru, jew jiskambjaw servizzi ta’ roaming bl-ingrossa magħhom.

(21)

Ir-Regolament (UE) Nru 531/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) jistabbilixxi l-objettiv ta’ politika li d-differenza bejn it-tariffi tar-roaming u dawk domestiċi għandha toqrob lejn iż-żero. Madankollu, l-għan aħħari li tiġi eliminata d-differenza bejn il-ħlasijiet domestiċi u l-ħlasijiet tar-roaming ma jistax jintlaħaq b’mod sostenibbli permezz tal-livell osservat tal-ħlasijiet bl-ingrossa. Għalhekk dan ir-Regolament jistabbilixxi li l-ħlasijiet supplimentari tar-roaming bl-imnut għandhom jitneħħew mill-15 ta’ Ġunju 2017, dment li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet li qed jiġu osservati bħalissa fis-swieq tar-roaming bl-ingrossa. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami tas-suq tar-roaming bl-ingrossa, u għandha tippreżenta proposta leġislattiva bbażata fuq l-eżitu ta’ dak ir-rieżami.

(22)

Fl-istess ħin, il-fornituri tar-roaming għandhom ikunu jistgħu japplikaw “politika ta’ użu korrett” għall-konsum tas-servizzi regolati ta’ roaming bl-imnut mogħtija bil-prezz domestiku applikabbli fil-livell tal-bejgħ bl-imnut. Il-“politika ta’ użu korrett” hija maħsuba għall-prevenzjoni ta’ użu abbużiv jew anomalu tas-servizzi regolati ta’ roaming bl-imnut minn klijenti tar-roaming, bħall-użu ta’ servizzi bħal dawn minn klijenti tar-roaming fi Stat Membru ieħor li mhuwiex dak tal-fornitur domestiku tagħhom għal finijiet oħra għajr l-ivvjaġġar perjodiku. Kwalunkwe politika ta’ użu korrett għandha tagħti l-possibbiltà lill-klijenti tal-fornitur tar-roaming li jikkonsmaw volumi ta’ servizzi regolati ta’ roaming bl-imnut bil-prezz domestiku applikabbli fil-livell tal-bejgħ bl-imnut li huma konsistenti mal-pjanijiet ta’ tariffi rispettivi tagħhom.

(23)

F’ċirkostanzi speċifiċi u eċċezzjonali fejn fornitur tar-roaming ma jkunx jista’ jirkupra l-ispejjeż globali reali u mbassra tiegħu għall-provvista ta’ servizzi regolati ta’ roaming bl-imnut mid-dħul globali reali u mbassar mill-provvista ta’ servizzi bħal dawn, dak il-fornitur tar-roaming għandu jkun jista’ japplika għal awtorizzazzjoni biex japplika ħlas supplimentari bil-ħsieb li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-mudell tiegħu għall-impożizzjoni ta’ ħlasijiet fuq livell domestiku. Il-valutazzjoni tas-sostenibbiltà tal-mudell għall-impożizzjoni ta’ ħlasijiet fuq livell domestiku għandha tkun ibbażata fuq fatturi oġġettivi rilevanti speċifiċi għall-fornitur tar-roaming, inklużi l-varjazzjonijiet oġġettivi bejn il-fornituri tar-roaming fl-Istat Membru kkonċernat u l-livell ta’ prezzijiet u dħul domestiku. Dak jista’, pereżempju, ikun il-każ għal mudelli ta’ operaturi bl-imnut domestiċi b’rata fissa bi żbilanċi negattivi sinifikanti fit-traffiku, fejn il-prezz impliċitu tal-unità domestika jkun baxx u d-dħul globali tal-operatur ikun ukoll baxx meta mqabbel mal-piż tal-ispiża tar-roaming, jew fejn il-prezz impliċitu tal-unità jkun baxx u l-konsum tas-servizzi ta’ roaming reali jew imbassar ikun għoli. Ladarba kemm is-swieq tar-roaming bl-ingrossa kif ukoll bl-imnut ikunu aġġustaw b’mod sħiħ għall-ġeneralizzazzjoni tar-roaming fil-livelli tal-prezzijiet domestiċi u l-inkorporazzjoni tagħha bħala karatteristika normali tal-pjanijiet tat-tariffi bl-imnut, ma jkunx mistenni li jinqalgħu ċirkostanzi eċċezzjonali ta’ dan it-tip. Sabiex jiġi evitat li l-mudell għall-impożizzjoni ta’ ħlasijiet fuq livell domestiku ta’ fornituri tar-roaming isir mhux sostenibbli minħabba tali problemi fl-irkupru tal-ispejjeż, u li jiġġenera riskju ta’ effett sinifikanti fuq l-evoluzzjoni tal-prezzijiet domestiċi jew l-hekk imsejjaħ “effett waterbed”, il-fornituri tar-roaming, bl-awtorizzazzjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali, għandhom ikunu jistgħu, f’ċirkostanzi bħal dawn, japplikaw ħlas supplimentari għal servizzi regolati ta’ roaming bl-imnut biss sa fejn meħtieġ biex jiġu rkuprati l-ispejjeż rilevanti kollha tal-forniment ta’ tali servizzi.

(24)

Għal dak il-għan, l-ispejjeż imġarrba sabiex jingħataw servizzi regolati ta’ roaming bl-imnut għandhom ikunu ddeterminati b’referenza għall-ħlasijiet effettivi ta’ roaming bl-ingrossa li japplikaw għal traffiku ta’ roaming ‘il barra tal-fornitur tar-roaming ikkonċernat li jeċċedi t-traffiku tar-roaming ‘il ġewwa, kif ukoll b’referenza għal dispożizzjoni raġonevoli għall-ispejjeż konġunti u komuni. Id-dħul minn servizzi regolati ta’ roaming bl-imnut għandu jiġi ddeterminat b’referenza għad-dħul fil-livell tal-prezzijiet domestiċi attribwibbli għall-konsum ta’ servizzi regolati ta’ roaming bl-imnut, kemm jekk fuq bażi ta’ prezz għal kull unità jew inkella bħala proporzjon ta’ tariffa fissa, li tirrifletti l-proporzjonijiet reali jew imbassra tal-konsum ta’ servizzi regolati ta’ roaming bl-imnut mill-klijenti fi ħdan l-Unjoni u l-konsum domestiku. Għandhom jitqiesu wkoll il-konsum tas-servizzi regolati ta’ roaming bl-imnut u l-konsum domestiku mill-klijenti tal-fornitur tar-roaming, u l-livell ta’ kompetizzjoni, prezzijiet u dħul fis-suq domestiku, u kwalunkwe riskju li jista’ jiġi osservat li r-roaming bi prezzijiet domestiċi bl-imnut jaffettwa b’mod sinifikanti l-evoluzzjoni ta’ tali prezzijiet.

(25)

Sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel mir-Regolament (UE) Nru 531/2012 għat-tneħħija tal-ħlasijiet supplimentari tar-roaming bl-imnut, dan ir-Regolament għandu jintroduċi perijodu ta’ tranżizzjoni, li fih il-fornituri tar-roaming għandhom ikunu jistgħu jżidu ħlas supplimentari mal-prezzijiet domestiċi għal servizzi regolati ta’ roaming bl-imnut li jiġu pprovduti. Dak ir-reġim tranżizzjonali għandu diġà jħejji għal bidla fundamentali fl-approċċ, billi r-roaming madwar l-UE kollha jiġi inkorporat bħala parti integrali tal-pjanijiet ta’ tariffi domestiċi offruti f’diversi swieq domestiċi. Għalhekk, il-punt tat-tluq tar-reġim tranżizzjonali għandu jkun il-prezzijiet bl-imnut domestiċi rispettivi, li jistgħu jkunu soġġetti għal ħlas supplimentari ta’ mhux aktar mill-ħlas massimu tar-roaming bl-ingrossa applikabbli fil-perijodu immedjatament qabel il-perijodu tranżizzjonali. Tali reġim tranżizzjonali għandu jiżgura wkoll tnaqqis sostanzjali fil-prezz għall-klijenti mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u, meta l-ħlas supplimentari jiżdied mal-prezz domestiku bl-imnut, ma għandu fl-ebda ċirkostanza jwassal għal prezz ogħla tar-roaming bl-imnut mill-ħlas regolat massimu tar-roaming bl-imnut applikabbli fil-perijodu immedjatament il-perijodu tranżizzjonali.

(26)

Il-prezz domestiku rilevanti fil-livell tal-bejgħ bl-imnut għandu jkun ugwali għall-ħlas domestiku fil-livell tal-bejgħ bl-imnut għal kull unità. Madankollu, f’sitwazzjonijiet fejn ma jkunx hemm prezzijiet domestiċi speċifiċi fil-livell tal-bejgħ bl-imnut li jistgħu jintużaw bħala bażi għal servizz regolat tar-roaming bl-imnut (pereżempju, fil-każ ta’ pjanijiet ta’ tariffi domestiċi mingħajr limiti, ġabriet ta’ servizzi (bundles) jew tariffi domestiċi li ma jinkludux data), il-prezz domestiku fil-livell tal-bejgħ bl-imnut għandu jitqies li hu l-istess mekkaniżmu għall-impożizzjoni ta’ ħlas daqs li kieku l-klijent kien qed jikkonsma l-pjan ta’ tariffi domestiċi fl-Istat Membru ta’ dak il-klijent.

(27)

Bil-ħsieb li titjieb il-kompetizzjoni fis-suq tar-roaming bl-imnut, ir-Regolament (UE) Nru 531/2012 jirrikjedi li l-fornituri domestiċi jippermettu li l-klijenti tagħhom jiksbu aċċess għal servizzi regolati ta’ telefonati bil-vuċi, SMS u servizzi ta’ roaming tad-data, ipprovduti bħala ġabra ta’ servizzi (bundle) minn kwalunkwe fornitur alternattiv tar-roaming. Peress li r-reġim ta’ roaming bl-imnut stabbilit f’dan ir-Regolament fil-futur qrib għandu jneħħi l-ħlasijiet tar-roaming bl-imnut stabbiliti fl-Artikoli 8, 10 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 531/2012, ma jibqax proporzjonat li l-fornituri domestiċi jiġu obbligati jimplimentaw dan it-tip ta’ bejgħ separat ta’ servizzi regolati ta’ roaming bl-imnut. Il-fornituri li diġà ppermettew li l-klijenti tagħhom jiksbu aċċess għal servizzi regolati ta’ telefonati bil-vuċi, SMS u servizzi ta’ roaming tad-data, ipprovduti bħala ġabra ta’ servizzi (bundle) minn kwalunwe fornitur tar-roaming alternattiv, jistgħu jibqgħu jagħmlu dan. Min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi eskluż li l-klijenti tar-roaming jistgħu jibbenefikaw minn prezzijiet bl-imnut aktar kompetittivi, b’mod partikolari għas-servizzi ta’ roaming tad-data, fis-swieq li jkunu żaru. Minħabba d-domanda li qed tiżdied għas-servizzi ta’ roaming tad-data u l-importanza tagħhom, il-klijenti tar-roaming għandhom jingħataw mezzi alternattivi ta’ aċċess għal servizzi ta’ roaming tad-data, meta jivvjaġġaw fi ħdan l-Unjoni. Għalhekk, l-obbligu fuq il-fornituri domestiċi u tar-roaming li ma jwaqqfux lill-klijenti milli jiksbu aċċess għal servizzi regolati ta’ roaming tad-data pprovduti direttament fuq netwerk li jkun żar fornitur alternattiv ta’ roaming kif previst fir-Regolament (UE) Nru 531/2012, għandu jinżamm.

(28)

F’konformità mal-prinċipju li min iċempel iħallas, il-klijenti tat-telefonija mobbli ma jħallsux għas-sejħiet domestiċi bil-mobile li jirċievu, u l-ispiża ta’ terminazzjoni ta’ sejħa fin-netwerk ta’ min irċieva t-telefonata hi koperta fil-ħlas bl-imnut tal-parti li tkun qed iċċempel. Il-konverġenza tar-rati ta’ terminazzjoni ta’ sejħiet bil-mobile madwar l-Istati Membri għandha tippermetti li l-istess prinċipju jiġi applikat għal sejħiet regolati ta’ roaming bl-imnut. Madankollu, peress li dan għadu mhux il-każ, f’sitwazzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament fejn il-fornituri tar-roaming jistgħu japplikaw ħlas supplimentari għal servizzi regolati ta’ roaming bl-imnut, il-ħlas supplimentari li japplika għal sejħiet regolati ta’ roaming riċevuti, ma għandux ikun ogħla mill-medja ponderata tar-rati massimi ta’ terminazzjoni ta’ sejħiet bil-mobile bl-ingrossa stabbilita kullimkien fl-Unjoni. Dan jitqies bħala reġim tranżizzjonali sakemm il-Kummissjoni tindirizza din il-kwistjoni pendenti.

(29)

Ir-Regolament (UE) Nru 531/2012 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ.

(30)

Dan ir-Regolament għandu jikkostitwixxi miżura speċifika fit-tifsira tal-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 2002/21/KE. Għalhekk, meta l-fornituri ta’ servizzi regolati ta’ roaming madwar l-Unjoni kollha jibdlu t-tariffi tagħhom tar-roaming bl-imnut u l-politiki anċillari dwar l-użu tar-roaming biex jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, dawn il-bidliet ma għandhom jirriżultaw fl-ebda dritt għall-klijenti tat-telefonija mobbli, skont il-liġijiet nazzjonali li jittrasponu l-qafas regolatorju attwali għal networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, ta’ ritrattazzjoni mill-kuntratti tagħhom.

(31)

Bil-għan li jissaħħu d-drittijiet ta’ klijenti tar-roaming stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 531/2012, dan ir-Regolament għandu fir-rigward ta’ servizzi regolati ta’ roaming bl-imnut jistabbilixxi rekwiżiti speċifiċi ta’ trasparenza allinjati mal-kondizzjonijiet speċifiċi tat-tariffi u l-volum li għandhom japplikaw ladarba jitneħħew il-ħlasijiet supplimentari tar-roaming bl-imnut. B’mod partikolari, għandu jkun hemm dispożizzjonijiet li permezz tagħhom iil-klijenti tar-roaming jiġu notifikati, fil-ħin u mingħajr ħlas dwar il-politika applikabbli dwar l-użu ġust, meta jintuża l-volum kollu applikabbli tal-użu ġust ta’ servizzi regolati ta’ roaming tat-telefonati bil-vuċi, tal-SMS, jew tad-data, dwar kwalunkwe ħlas supplimentari, u dwar il-konsum akkumulat ta’ servizzi regolati ta’ roaming ta’ data.

(32)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni b’rabta mal-istabbiliment tal-medja ponderata ta’ rati massimi ta’ terminazzjoni ta’ sejħiet bil-mobile, u regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tal-politika dwar l-użu ġust u dwar il-metodoloġija għall-valutazzjoni tas-sostenibbiltà tat-tneħħija tal-ħlasijiet supplimentari tar-roaming bl-imnut, kif ukoll dwar l-applikazzjoni li għandha tiġi ppreżentata mill-fornitur tar-roaming għall-finijiet ta’ dik il-valutazzjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

(33)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari fil-Karta, speċjalment il-protezzjoni tad-data personali, il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, il-libertà tal-intrapriża, in-nondiskriminazzjoni u l-protezzjoni tal-konsumatur.

(34)

Peress li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jistabbilixxi regoli komuni meħtieġa biex jiġi salvagwardjat l-aċċess għal Internet miftuħ u jitneħħew il-ħlasijiet supplimentari tar-roaming bl-imnut, ma jistax jintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri u għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

(35)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie ikkonsultat f’konformità mal-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u ta opinjoni fl-24 ta’ Novembru 2013.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli komuni biex jiġi salvagwardjat it-trattament indaqs u nondiskriminatorju tat-traffiku fil-forniment ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet u tad-drittijiet marbutin tal-utenti aħħarin.

2.   Dan ir-Regolament joħloq mekkaniżmu ġdid ta’ prezzijiet bl-imnut għal servizzi regolati ta’ roaming mal-Unjoni kollha sabiex jitneħħew il-ħlasijiet supplimentari tar-roaming bl-imnut mingħajr distorsjoni tas-swieq domestiċi u dawk miżjura.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/21/KE.

Japplikaw ukoll dawn id-definizzjonijiet:

(1)

“fornitur tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku” tfisser impriża li tipprovdi netwerks pubbliċi tal-komunikazzjoni jew servizzi tal-komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku;

(2)

“servizz ta’ aċċess għall-Internet” tfisser servizz tal-komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku li jipprovdi aċċess għall-Internet, u b’hekk konnettività ma’ virtwalment kull punt aħħari tal-Internet, irrispettivament mit-teknoloġija tan-netwerk u t-tagħmir terminali użati;

Artikolu 3

Salvagwardja ta’ aċċess għal Internet miftuħ

1.   L-utenti aħħarin għandu jkollhom id-dritt li jaċċessaw u jxerrdu informazzjoni u kontenut, jużaw u jipprovdu applikazzjonijiet u servizzi u jużaw tagħmir terminali tal-għażla tagħhom, irrispettivament mill-post fejn jinsab l-utent aħħari jew il-fornitur, jew il-post, l-oriġini jew id-destinazzjoni tal-informazzjoni, il-kontenut, l-applikazzjoni jew is-servizz permezz tas-servizz ta’ aċċess għall-Internet tagħhom.

Dan il-paragrafu huwa mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali li hija konformi mal-liġi tal-Unjoni, marbuta mal-legalità tal-kontenut, l-applikazzjonijiet jew is-servizzi.

2.   Ftehimiet bejn fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet u utenti aħħarin dwar kondizzjonijiet kummerċjali u tekniċi u l-karatteristiċi ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet bħall-prezz, il-volumi jew il-veloċità tad-data, u kwalunkwe prattika kummerċjali mwettqa mill-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet, ma għandhomx jillimitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-utenti aħħarin stipulati fil-paragrafu 1.

3.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet għandhom jittrattaw it-traffiku kollu bl-istess mod, meta jipprovdu servizzi ta’ aċċess għall-Internet, mingħajr diskriminazzjoni, restrizzjoni jew interferenza, u irrispettivament minn min jibgħat u min jirċievi, mill-kontenut aċċessat jew imxerred, mill-applikazzjonijiet jew is-servizzi użati jew ipprovduti, jew mit-tagħmir terminali użat.

L-ewwel subparagrafu ma għandux jipprevjeni lill-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet milli jimplimentaw miżuri raġonevoli ta’ ġestjoni tat-traffiku. Sabiex jitqiesu raġonevoli, dawn il-miżuri għandhom ikunu trasparenti, nondiskriminatorji u proporzjonati, u ma għandhomx ikunu msejsa fuq kunsiderazzjonijiet kummerċjali iżda fuq rekwiżiti oġġettivament differenti għall-kwalità teknika tas-servizz ta’ kategoriji speċifiċi tat-traffiku. Miżuri bħal dawn m’għandhomx jissorveljaw il-kontenut speċifiku u ma għandhomx jinżammu għal aktar żmien milli jkun meħtieġ.

Il-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet ma għandhomx iwettqu miżuri ta’ ġestjoni tat-traffiku li jmorru lil hinn minn dawk imniżżla fit-tieni subparagrafu, u b’mod partikolari ma għandhomx jimblokkaw, inaqqsu l-veloċità ta’, ibiddlu, jirrestrinġu, jinterferixxu fi, jiddegradaw jew jiddiskriminaw bejn kontenut, applikazzjonijiet jew servizzi speċifiċi, jew kategoriji speċifiċi ta’ dawn, ħlief kif meħtieġ, u biss għal kemm ikun meħtieġ, sabiex:

(a)

ikun hemm konformità mal-atti leġislattivi tal-Unjoni, jew il-leġislazzjoni nazzjonali li hija konformi mal-liġi tal-Unjoni, li għaliha l-fornitur tas-servizzi tal-aċċess għall-Internet huwa soġġett, jew ma’ miżuri li huma konformi mal-liġi tal-Unjoni li jagħmlu effettivi tali atti leġislattivi tal-Unjoni jew leġislazzjoni nazzjonali, inklużi ordnijiet minn qrati jew awtoritajiet pubbliċi li jkunu ngħataw is-setgħat rilevanti;

(b)

jitħarsu l-integrità u s-sigurtà tan-netwerk, tas-servizzi pprovduti permezz ta’ dak in-netwerk, u tat-tagħmir tat-terminal tal-utenti aħħarin;

(c)

tiġi pprevenuta konġestjoni imminenti tan-netwerk u jittaffew l-effetti ta’ konġestjoni eċċezzjonali jew temporanja tan-netwerk, sakemm il-kategoriji ekwivalenti tat-traffiku jiġu trattati bl-istess mod.

4.   Kwalunkwe miżura ta’ ġestjoni tat-traffiku tista’ tinvolvi l-ipproċessar ta’ data personali biss jekk tali proċessar ikun meħtieġ u proporzjonat biex jinkisbu l-miri stipulati fil-paragrafu 3. Ipproċessar bħal dan għandu jsir skont id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10). Il-miżuri ta’ ġestjoni tat-traffiku għandhom ukoll jikkonformaw mad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).

5.   Il-fornituri tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku, inklużi l-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet, u l-fornituri ta’ kontenut, applikazzjonijiet u servizzi għandhom ikunu liberi li joffru servizzi għajr servizzi ta’ aċċess għall-Internet li jitħaddmu bl-aħjar mod għal kontenut, applikazzjonijiet jew servizzi speċifiċi, jew taħlita tagħhom, meta t-tħaddim bl-aħjar mod ikun meħtieġ sabiex jitħarsu r-rekwiżiti tal-kontenut, l-applikazzjonijiet jew is-servizzi għal livell speċifiku ta’ kwalità.

Il-fornituri ta’ komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku, inklużi l-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet, jistgħu joffru jew jiffaċilitaw servizzi bħal dawn biss jekk il-kapaċità tan-netwerk tkun biżżejjed biex jiġu pprovduti flimkien ma’ kwalunkwe servizz ta’ aċċess għall-Internet ipprovdut. Servizzi bħal dawn ma għandhomx ikunu jistgħu jintużaw jew jiġu offruti bħala sostitut għal servizzi ta’ aċċess għall-Internet, u ma għandhomx ikunu jagħmlu ħsara lid-disponibbiltà jew il-kwalità ġenerali tas-servizzi ta’ aċċess għall-Internet għall-utenti aħħarin.

Artikolu 4

Miżuri ta’ trasparenza biex jiġi żgurat aċċess għal Internet miftuħ

1.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet għandhom jiżguraw li kwalunkwe kuntratt li jinkludi servizzi ta’ aċċess għall-Internet jispeċifika mill-inqas:

(a)

informazzjoni dwar kif il-miżuri ta’ ġestjoni tat-traffiku applikati minn dak il-fornitur jistgħu jaffettwaw il-kwalità tas-servizzi ta’ aċċess għall-Internet, il-privatezza tal-utenti aħħarin u l-ħarsien tad-data personali tagħhom;

(b)

spjegazzjoni ċara u li tista’ tinftiehem dwar kif kwalunkwe limitazzjoni fil-volum tad-data, il-veloċità u parametri oħra tal-kwalità tas-servizzi, jistgħu, fil-prattika, ikollhom impatt fuq is-servizzi ta’ aċċess għall-Internet, u b’mod partikolari fuq l-użu tal-kontenut, tal-applikazzjonijiet u tas-servizzi;

(c)

spjegazzjoni ċara u li tista’ tinftiehem dwar kif kwalunkwe servizz imsemmi fl-Artikolu 3(5) li għalih ikun abbonat l-utent aħħari jista’ fil-prattika jkollu impatt fuq is-servizzi ta’ aċċess għall-Internet ipprovduti lil dak utent aħħari;

(d)

spjegazzjoni ċara u li tista’ tinftiehem dwar il-veloċità minima, normalment disponibbli, massima u rreklamata tat-tniżżil u tat-tlugħ ta’ data tas-servizzi ta’ aċċess għall-Internet fil-każ ta’ netwerks fissi, jew tal-veloċità massima u rreklamata stmata tat-tniżżil u t-tlugħ ta’ data tas-servizzi ta’ aċċess għall-Internet fil-każ ta’ netwerks mobbli, u dwar kif devjazzjonijiet sinifikanti mill-veloċitajiet irreklamati rispettivi tat-tniżżil u t-tlugħ ta’ data jistgħu jolqtu l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-utenti aħħarin stipulati fl-Artikolu 3(1);

(e)

spjegazzjoni ċara u li tista’ tinftiehem tar-rimedji disponibbli għall- konsumatur skont il-liġi nazzjonali fil-każ ta’ kwalunkwe diskrepanza kontinwa jew li sseħħ regolarment, bejn il-prestazzjoni proprja tas-servizz ta’ aċċess għall-Internet fir-rigward tal-veloċità jew parametri oħrajn tal-kwalità tas-servizz u l-prestazzjoni indikata skont il-punti (a) sa (d).

Il-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet għandhom jippubblikaw l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu.

2.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet għandhom iqiegħdu fil-prattika proċeduri trasparenti, sempliċi u effiċjenti biex jindirizzaw l-ilmenti tal-utenti aħħarin marbutin mad-drittijiet u l-obbligi stipulati fl-Artikolu 3 u l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.   Ir-rekwiżiti mniżżla fil-paragrafi 1 u 2 jiżdiedu ma’ dawk previsti fid-Direttiva 2002/22/KE u ma għandhomx jipprevjenu lill-Istati Membri milli jżommu jew jintroduċu rekwiżiti addizzjonali ta’ monitoraġġ, informazzjoni u trasparenza, inklużi dawk li jikkonċernaw il-kontenut, il-forma u l-mezz tal-informazzjoni li tkun ser tiġi ppubblikata. Dawk ir-rekwiżiti għandhom jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament u d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttivi 2002/21/KE u 2002/22/KE.

4.   Kwalunkwe diskrepanza sinifikanti, li tkun kontinwa jew li sseħħ regolarment, bejn il-prestazzjoni proprja tas-servizz ta’ aċċess għall-Internet fejn tidħol il-veloċità jew parametri oħrajn tal-kwalità tas-servizz u l-prestazzjoni indikata mill-fornitur ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet skont il-punti (a) sa (d) tal-paragrafu 1 għandha, fejn il-fatti rilevanti jiġu stabbiliti minn mekkaniżmu ta’ monitoraġġ iċċertifikat mill-awtorità regolatorja nazzjonali, itqies bħala nuqqas ta’ konformità tal-prestazzjoni sabiex jiġu attivati r-rimedji disponibbli għall-konsumatur skont il-liġi nazzjonali.

Dan il-paragrafu għandu japplika biss għal kuntratti konklużi jew imġedda mid-29 ta’ Novembru 2015.

Artikolu 5

Sorveljanza u infurzar

1.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jissorveljaw mill-qrib u jiżguraw konformità mal-Artikoli 3 u 4, u għandhom jippromwovu d-disponibbiltà kontinwa ta’ aċċess nondiskriminatorju għall-Internet f’livelli ta’ kwalità li jirriflettu l-avvanzi fit-teknoloġija. Għal dawk il-finijiet l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jimponu rekwiżiti dwar karatteristiċi tekniċi, rekwiżiti minimi għall-kwalità tas-servizz u miżuri oħrajn xierqa u meħtieġa fuq fornitur wieħed jew aktar ta’ komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku, inklużi fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet.

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jippubblikaw rapporti kull sena dwar il-monitoraġġ u s-sejbiet tagħhom, u jipprovdu dawk ir-rapporti lill-Kummissjoni u lill-BEREC.

2.   Fuq it-talba tal-awtorità regolatorja nazzjonali, il-fornituri ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi lill-pubbliku, inklużi l-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet, għandhom jagħmlu disponibblilil dik l-awtorità regolatorja nazzjonali informazzjoni rilevanti għall-obbligi mniżżla fl-Artikoli 3 u 4, partikolarment informazzjoni dwar il-ġestjoni tal-kapaċità tan-netwerk u t-traffiku tagħhom, kif ukoll ġustifikazzjonijiet għal kwalunkwe miżura ta’ ġestjoni tat-traffiku applikata. Dawk il-fornituri għandhom jipprovdu l-informazzjoni mitluba skont il-limiti ta’ żmien u l-livell ta’ dettall mitlub mill-awtorità regolatorja nazzjonali.

3.   Sat-30 ta’ Awwissu 2016, sabiex jagħti kontribut għall-applikazzjoni konsistenti ta’ dan ir-Regolament, il-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) għandu, wara li jikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, joħroġ linji gwida għall-implimentazzjoni tal-obbligi tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali skont dan l-Artikolu.

4.   Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għall-kompiti mogħtija mill-Istati Membri lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jew lil awtoritajiet kompetenti oħrajn skont il-liġi tal-Unjoni.

Artikolu 6

Penali

L-Istati Membri għandhom jistipulaw ir-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tal-Artikoli 3, 4 u 5 u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawk ir-regoli u l-miżuri sat-30 ta’ April 2016 u għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bla dewmien dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.

Artikolu 7

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 531/2012

Ir-Regolament (UE) Nru 531/2012 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 2, il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

jitħassru l-punti (i), (l) u (n);

(b)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(r)

“prezz domestiku bl-imnut” ifisser il-ħlas domestiku bl-imnut għal kull unità tal-fornitur tar-roaming applikabbli għat-telefonati magħmula u għall-messaġġi SMS mibgħuta (li t-tnejn joriġinaw u jaslu fuq netwerks differenti tal-komunikazzjoni pubblika fl-istess Stat Membru), u għad-data kkunsmata minn klijent; fil-każ li ma jkun hemm ebda ħlas domestiku bl-imnut speċifiku għal kull unità, il-prezz domestiku bl-imnut għandu jitqies li huwa l-istess mekkaniżmu ta’ ħlas bħal dak applikat lill-konsumatur għat-telefonati magħmula u għall-messaġġi SMS mibgħuta (li t-tnejn joriġinaw u jaslu fuq netwerks differenti tal-komunikazzjoni pubblika fl-istess Stat Membru), u għad-data kkunsmata fl-Istat Membru ta’ dak il-klijent;

(s)

“bejgħ separat ta’ servizzi regolati ta’ roaming tad-data bl-imnut” ifisser il-forniment ta’ servizzi regolati ta’ roaming tad-data fornuti lill-konsumaturi tar-roaming direttament fuq netwerk miżjura minn fornitur alternattiv tar-roaming.”.

(2)

Fl-Artikolu 3, il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.   L-offerta ta’ referenza msemmija fil-paragrafu 5 għandha tkun dettaljata biżżejjed u għandha tinkludi l-komponenti kollha meħtieġa għal aċċess għal roaming bl-ingrossa kif imsemmi fil-paragrafu 3, filwaqt li tipprovdi deskrizzjoni tal-offerti rilevanti għal aċċess dirett għal roaming bl-ingrossa u aċċess għal bejgħ mill-ġdid ta’ roaming bl-ingrossa, u t-termini u l-kundizzjonijiet assoċjati. Dik l-offerta ta’ referenza tista’ tinkludi kundizzjonijiet biex jiġi pprevenut roaming permanenti jew użu anomalu jew abbużiv ta’ aċċess għal roaming bl-ingrossa għal skopijiet għajr il-provvista ta’ servizzi regolati ta’ roaming lill-klijenti tal-fornituri tar-roaming filwaqt li dawn tal-aħħar jivvjaġġaw perjodikament fl-Unjoni. Jekk meħtieġ, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jimponu bidliet fl-offerti ta’ referenza biex jingħata effett lill-obbligi stabbiliti f’dan l-Artikolu.”.

(3)

L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titlu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Bejgħ separat ta’ servizzi regolati ta’ roaming tad-data bl-imnut”;

(b)

fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu jitħassar;

(c)

il-paragrafi 4 u 5 jitħassru.

(4)

L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titlu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Implimentazzjoni ta’ bejgħ separat ta’ servizzi regolati ta’ roaming tad-data bl-imnut”;

(b)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-fornituri domestiċi għandhom jimplimentaw l-obbligu marbut mal-bejgħ separat ta’ servizzi regolati ta’ roaming tad-data bl-imnut previst fl-Artikolu 4 sabiex il-klijenti tar-roaming ikunu jistgħu jużaw servizzi regolati separati ta’ roaming tad-data. Il-fornituri domestiċi għandhom jissodisfaw it-talbiet raġonevoli kollha għal aċċess għal faċilitajiet u servizzi ta’ appoġġ marbutin rilevanti għall-bejgħ separat ta’ servizzi regolati ta’ roaming tad-data bl-imnut. L-aċċess għal dawk il-faċilitajiet u servizzi ta’ appoġġ li huma meħtieġa biex jippermettu l-bejgħ separat ta’ servizzi regolati ta’ roaming tad-data bl-imnut, inklużi servizzi ta’ awtentikazzjoni tal-utent, għandu jkun mingħajr ħlas u ma għandu jinvolvi ebda ħlas dirett impost fuq il-klijenti tar-roaming.”;

(c)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni konsistenti u simultanja madwar l-Unjoni tal-bejgħ separat ta’ servizzi regolati ta’ roaming tad-data bl-imnut, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni u wara li tkun ikkonsultat lill-BEREC, tadotta regoli dettaljati dwar soluzzjoni teknika għall-implimentazzjoni tal-bejgħ separat ta’ servizzi regolati ta’ roaming tad-data bl-imnut. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ rieżami msemmija fl-Artikolu 6(2).”;

(d)

fil-paragrafu 3, il-kliem introduttorju huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Is-soluzzjoni teknika biex jiġi implimentat il-bejgħ separat ta’ servizzi regolati ta’ roaming tad-data bl-imnut għandha tissodisfa l-kriterji li ġejjin:”.

(5)

Jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 6a

Tneħħija ta’ ħlasijiet supplimentari tar-roaming bl-imnut

B’effett mill-15 ta’ Ġunju 2017, sakemm l-att leġislattiv li għandu jiġi adottat wara l-proposta msemmija fl-Artikolu 19(2) ikun applikabbli f’dik id-data, il-fornituri tar-roaming ma għandhom jimponu ebda ħlas supplimentari addizzjonali mal-prezz bl-imnut domestiku fuq il-klijenti tar-roaming fi kwalunkwe Stat Membru għal kwalunkwe telefonata bir-roaming regolata li ssir jew tiġi riċevuta, għal kwalunkwe messaġġ SMS bir-roaming regolat li jintbagħat u għal kwalunkwe servizz regolat ta’ roaming tad-data li jintuża, inklużi messaġġi MMS, u lanqas xi ħlas ġenerali biex it-tagħmir jew servizz terminali jkun jista’ jintuża barra mill-pajjiż, soġġett għall-Artikoli 6b u 6c.

Artikolu 6b

Użu ġust

1.   Il-fornituri tar-roaming jistgħu japplikaw skont dan l-Artikolu u l-atti ta’ implimentazzjoni msemmijin fl-Artikolu 6d “politika ta’ użu ġust” għall-konsum ta’ servizzi regolati ta’ roaming bl-imnut ipprovduti fil-livell ta’ prezz bl-imnut domestiku applikabbli, sabiex jipprevjenu użu abbużiv jew anomalu ta’ servizzi regolati ta’ roaming bl-imnut mill-klijenti tar-roaming, bħall-użu ta’ dawn is-servizzi minn klijenti tar-roaming fi Stat Membru għajr dak tal-fornitur domestiku tagħhom għal skopijiet għajr dawk ta’ vvjaġġar perjodiku.

Kwalunkwe politika ta’ użu ġust għandha tagħti l-possibbiltà lill-klijenti tal-fornitur tar-roaming li jikkunsmaw volumi ta’ servizzi regolati ta’ roaming bl-imnut bil-prezz bl-imnut domestiku applikabbli li huma konsistenti mal-pjanijiet tariffarji rispettivi tagħhom.

2.   L-Artikolu 6e għandu japplika għal servizzi regolati ta’ roaming bl-imnut li jaqbżu kwalunkwe limitu taħt kwalunkwe politika ta’ użu ġust.

Artikolu 6c

Is-sostenibbiltà tat-tneħħija tal-ħlasijiet supplimentari tar-roaming bl-imnut

1.   F’ċirkostanzi speċifiċi u eċċezzjonali, bil-ħsieb li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-mudell ta’ ħlasijiet domestiku tiegħu, fejn fornitur tar-roaming ma jkunx jista’ jirkupra l-ispejjeż globali reali u mbassra tiegħu għall-provvista ta’ servizzi ta’ roaming regolati skont l-Artikoli 6a u 6b, mid-dħul globali reali u mbassar mill-provvista ta’ servizzi bħal dawn, dak il-fornitur tar-roaming jista’ japplika għal awtorizzazzjoni biex japplika ħlas supplimentari. Dak il-ħlas supplimentari għandu jiġi applikat biss sa fejn ikun meħtieġ biex jiġu rkuprati l-ispejjeż tal-provvista ta’ servizzi regolati ta’ roaming bl-imnut, filwaqt li jitqiesu l-ħlasijiet bl-ingrossa massimi applikabbli.

2.   Fejn fornitur tar-roaming jiddeċiedi li juża l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, għandu jissottometti applikazzjoni mingħajr dewmien lill-awtorità regolatorja nazzjonali u jagħtiha l-informazzjoni kollha meħtieġa skont l-atti ta’ implimentazzjoni msemmijin fl-Artikolu 6d. Kull tnax-il xahar wara dan, il-fornitur tar-roaming għandu jaġġorna dik l-informazzjoni u jippreżentaha lill-awtorità regolatorja nazzjonali.

3.   Malli taslilha applikazzjoni skont il-paragrafu 2, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tivvaluta jekk il-fornitur tar-roaming ikunx stabbilixxa li ma jistax ikopri l-ispejjeż skont il-paragrafu 1, bil-konsegwenza li s-sostenibbiltà tal-mudell ta’ ħlasijiet domestiku tagħha jiddgħajjef. Il-valutazzjoni tas-sostenibbiltà tal-mudell ta’ ħlasijiet domestiku għandha tissejjes fuq il-fatturi oġġettivi rilevanti speċifiċi għall-fornitur tar-roaming, inklużi l-varjazzjonijiet oġġettivi bejn il-fornituri tar-roaming fl-Istat Membru kkonċernat u l-livell ta’ prezzijiet u dħul domestiku. L-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tawtorizza l-ħlas supplimentari meta jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 u f’dan il-paragrafu.

4.   Fi żmien xahar minn meta tirċievi applikazzjoni skont il-paragrafu 2, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tawtorizza l-ħlas supplimentari sakemm ma jkunx evidenti li l-applikazzjoni hija mingħajr bażi jew ma tipprovdix biżżejjed informazzjoni. Fejn l-awtorità regolatorja nazzjonali tqis li huwa evidenti li l-applikazzjoni hija bla bażi, jew tqis li ma ngħatatx biżżejjed informazzjoni, għandha tieħu deċiżjoni finali sa perijodu ta’ xahrejn wara, wara li tkun tat lill-fornitur tar-roaming l-opportunità li jinstema’, li tawtorizza, temenda jew tiċħad il-ħlas supplimentari.

Artikolu 6d

Implimentazzjoni tal-politika ta’ użu ġust u tas-sostenibbiltà tat-tneħħija tal-ħlasijiet supplimentari għar-roaming bl-imnut

1.   Sal-15 ta’ Diċembru 2016, sabiex tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti tal-Artikoli 6b u 6c, il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta mal-BEREC, tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tal-politika ta’ użu ġust u dwar il-metodoloġija għall-valutazzjoni tas-sostenibbiltà tat-tneħħija tal-ħlasijiet supplimentari tar-roaming bl-imnut u dwar l-applikazzjoni li għandha tiġi ppreżentata minn fornitur tar-roaming għall-finijiet ta’ dik il-valutazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ rieżami msemmija fl-Artikolu 6(2).

2.   Fir-rigward tal-Artikolu 6b, meta tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tal-politika ta’ użu ġust, il-Kummissjoni għandha tqis dan li ġej:

(a)

l-evoluzzjoni tat-tendenzi tal-prezzijiet u l-konsum fl-Istati Membri;

(b)

il-livell ta’ konverġenza tal-livelli tal-prezzijiet domestiċi madwar l-Unjoni;

(c)

it-tendenzi tal-ivvjaġġar fl-Unjoni;

(d)

kwalunkwe riskji ċari ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u inċentivi ta’ investiment fis-swieq domestiċi u dawk miżjura.

3.   Fir-rigward tal-Artikolu 6c, meta tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli dettaljati dwar il-metodoloġija għall-valutazzjoni tas-sostenibbiltà tat-tneħħija tal-ħlasijiet supplimentari tar-roaming bl-imnut għal fornitur tar-roaming, il-Kummissjoni għandha ssejjishom fuq dan li ġej:

(a)

id-determinazzjoni tal-ispejjeż globali reali u mbassra tal-provvista ta’ servizzi regolati ta’ roaming bl-imnut b’referenza għall-ħlasijiet ta’ roaming bl-ingrossa effettivi għal traffiku żbilanċjat u sehem raġonevoli tal-ispejjeż konġunti u komuni meħtieġa għall-provvista ta’ servizzi regolati ta’ roaming bl-imnut;

(b)

id-determinazzjoni tad-dħul reali u mbassar mill-provvista ta’ servizzi regolati ta’ roaming bl-imnut;

(c)

il-konsum ta’ servizzi regolati ta’ roaming bl-imnut u l-konsum domestiku mill-klijenti tal-fornitur tar-roaming;

(d)

il-livell tal-kompetizzjoni, tal-prezzijiet u tad-dħul fis-suq domestiku, u kwalunkwe riskju ċar li r-roaming bi prezzijiet domestiċi bl-imnut jaffettwa b’mod apprezzabbli l-evoluzzjoni ta’ dawn il-prezzijiet.

4.   Il-Kummissjoni għandha minn żmien għal żmien terġa’ teżamina l-atti ta’ implimentazzjoni adottati skont il-paragrafu 1 fid-dawl tal-iżviluppi fis-suq.

5.   L-awtorità regolatorja nazzjonali għandha twettaq monitoraġġ u tissorvelja strettament l-applikazzjoni tal-politika ta’ użu ġust u l-miżuri dwar is-sostenibbiltà tat-tneħħija tal-ħlasijiet supplimentari tar-roaming bl-imnut, filwaqt li tqis b’reqqa kbira l-fatturi oġġettivi rilevanti speċifiċi għall-Istat Membru kkonċernat u l-varjazzjonijiet oġġettivi rilevanti bejn il-fornituri tar-roaming. Mingħajr preġudizzju għall-proċedura stipulata fl-Artikolu 6c(3), l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tinforza fil-ħin ir-rekwiżiti tal-Artikoli 6b u 6c u l-atti ta’ implimentazzjoni adottati skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. L-awtorità regolatorja nazzjonali tista’ fi kwalunkwe ħin titlob lill-fornitur tar-roaming jemenda l-ħlas supplimentari jew iwaqqfu jekk dan ma jikkonformax mal-Artikoli 6b jew 6c. Kull sena l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tgħarraf lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 6b u 6c, u ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 6e

Provvista ta’ servizzi regolati ta’ roaming bl-imnut

1.   Mingħajr preġudizzju għat-tieni subparagrafu, meta fornitur tar-roaming japplika ħlas supplimentari għall-konsum ta’ servizzi regolati ta’ roaming bl-imnut ‘l fuq minn kwalunkwe limiti skont kwalunkwe politika ta’ użu ġust, għandu jissodisfa dawn ir-rekwiżiti (minbarra l-VAT):

(a)

kwalunkwe ħlas supplimentari applikat għal telefonati regolati li jsiru bir-roaming, messaġġi SMS regolati li jintbagħtu bir-roaming u servizzi regolati ta’ roaming tad-data ma għandux jaqbeż il-ħlasijiet massimi bl-ingrossa previsti fl-Artikoli 7(2), 9(1) u 12(1), rispettivament;

(b)

is-somma tal-prezz domestiku bl-imnut u kwalunkwe ħlas supplimentari applikat għal telefonati regolati li jsiru bir-roaming, messaġġi SMS regolati li jintbagħtu bir-roaming u servizzi regolati ta’ roaming tad-data ma għandhiex taqbeż EUR 0,19 għal kull minuta, EUR 0,06 għal kull messaġġ SMS u EUR 0,20 għal kull megabyte użata, rispettivament;

(c)

kwalunkwe ħlas supplimentari applikat għal telefonati regolati riċevuti bir-roaming ma għandux jaqbeż il-medja ppeżata tar-rati massimi ta’ terminazzjoni ta’ telefonati bil-mobile madwar l-Unjoni stabbiliti skont il-paragrafu 2.

Il-fornituri tar-roaming ma għandhom japplikaw ebda ħlas supplimentari għal messaġġ SMS regolat li jiġi riċevut bir-roaming jew għal messaġġ fuq voicemail riċevut bir-roaming. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-ħlasijiet applikabbli l-oħra bħal dawk biex wieħed jisma’ messaġġi ta’ dan it-tip.

Il-fornituri tar-roaming għandhom jimponu ħlas fuq telefonati magħmula u riċevuti bir-roaming fuq bażi ta’ kull sekonda. Il-fornituri tar-roaming jistgħu japplikaw perijodu minimu ta’ ħlas tal-bidu li ma jaqbiżx 30 sekonda għal telefonati magħmula. Il-fornituri tar-roaming għandhom jimponu ħlas fuq il-klijenti tagħhom għall-provvista ta’ servizzi regolati ta’ roaming tad-data fuq bażi ta’ kull kilobyte, ħlief għal messaġġi MMS li l-ħlas għalihom jista’ jkun ibbażat fuq kull unità. F’każ bħal dan, il-ħlas bl-imnut li fornitur tar-roaming jista’ jimponi fuq il-klijent tar-roaming tiegħu għat-trażmissjoni jew ir-riċeviment ta’ messaġġ MMS bir-roaming m’għandux jaqbeż il-ħlas massimu bl-imnut għal servizzi regolati ta’ roaming tad-data stipulat fl-ewwel subparagrafu.

Matul il-perijodu msemmi fl-Artikolu 6f(1), dan il-paragrafu m’għandux jipprekludi offerti li jipprovdu lill-klijenti tar-roaming, għal ħlas kuljum jew kwalunkwe ħlas perjodiku ieħor iffissat, ċertu volum ta’ konsum ta’ servizzi regolati ta’ roaming bil-kundizzjoni li l-konsum tal-ammont sħiħ ta’ dak il-volum iwassal għal prezz tal-unità għat-telefonati magħmula, it-telefonati riċevuti u l-messaġġi SMS regolati mibgħuta bir-roaming u s-servizzi ta’ roaming tad-data li ma jaqbiżx il-prezz domestiku bl-imnut rispettiv u l-ħlas supplimentari massimu kif stipulati fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

2.   Sal-31 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni, wara li tkun ikkonsultat mal-BEREC u soġġett għat-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw il-medja ppeżata tar-rati massimi ta’ terminazzjoni ta’ telefonati bil-mobile imsemmijin fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1. Il-Kummissjoni għandha tirrevedi dawk l-atti ta’ implimentazzjoni kull sena. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ rieżami msemmija fl-Artikolu 6(2).

Il-medja ppeżata tar-rati massimi ta’ terminazzjoni ta’ telefonati bil-mobile għandha tissejjes fuq il-kriterji li ġejjin:

(a)

il-livell massimu tar-rati ta’ terminazzjoni ta’ telefonati bil-mobile imposti fis-suq għal terminazzjoni ta’ telefonati bil-vuċi bl-ingrossa fuq netwerks tal-mobile individwali mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali skont l-Artikoli 7 u 16 tad-Direttiva Qafas u l-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar l-Aċċess, u

(b)

l-għadd totali ta’ abbonati f’kull Stat Membru.

3.   Il-fornituri tar-roaming jistgħu joffru u l-klijenti tar-roaming jistgħu jagħżlu deliberatament tariffa tar-roaming għajr dik stipulata f’konformità mal-Artikoli 6a, 6b, 6c u l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, li bis-saħħa tagħha l-klijenti tar-roaming igawdu minn tariffa differenti għal servizzi regolati ta’ roaming minn dik li kieku kienu jingħataw fin-nuqqas ta’ għażla bħal din. Il-fornitur tar-roaming għandu jfakkar lil dawk il-klijenti tar-roaming fin-natura tal-vantaġġi tar-roaming li b’hekk jintilfu.

Mingħajr preġudizzju għall-ewwel subparagrafu, il-fornituri tar-roaming għandhom japplikaw tariffa stabbilita f’konformità mal-Artikoli 6a u 6b, u mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għall-klijenti eżistenti u ġodda kollha tar-roaming awtomatikament.

Kwalunkwe klijent tar-roaming jista’, fi kwalunkwe ħin, jitlob li jaqleb għal jew minn tariffa stipulata f’konformità mal-Artikoli 6a, 6b, 6c u l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Meta l-klijenti tar-roaming deliberatament jagħżlu li jibdlu t-tariffa stipulata f’konformità mal-Artikoli 6a, 6b, 6c, u l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, jew jaqilbu lura għaliha, kwalunkwe bidla għandha ssir fi żmien jum ta’ xogħol minn meta tasal it-talba, għandha tkun mingħajr ħlas u ma għandhiex tinvolvi kundizzjonijiet jew restrizzjonijiet li jappartjenu għal elementi tal-abbonamenti għajr ir-roaming. Il-fornituri tar-roaming jistgħu jdumu ma jagħmlu bidla sa meta t-tariffa tar-roaming preċedenti tkun ilha effettiva għal perijodu minimu speċifikat li ma jaqbiżx ix-xahrejn.

4.   Il-fornituri tar-roaming għandhom jiżguraw li kuntratt li jinkludi kwalunkwe tip ta’ servizz regolat ta’ roaming bl-imnut jispeċifika l-karatteristiċi ewlenin ta’ dak is-servizz regolat ta’ roaming bl-imnut ipprovdut, inkluż partikolarment:

(a)

il-pjan tariffarju jew pjanijiet tariffarji speċifiċi u, għal kull pjan tariffarju, it-tipi ta’ servizzi offruti, inklużi l-volumi tal-komunikazzjoni;

(b)

kwalunkwe restrizzjoni imposta fuq il-konsum ta’ servizzi regolati ta’ roaming bl-imnut ipprovduti bil-livell applikabbli ta’ prezzijiet domestiċi bl-imnut, partikolarment informazzjoni kwantifikata dwar kif kwalunkwe użu tal-politika ta’ użu ġust jiġi applikat b’referenza għall-parametri ewlenin tal-prezzijiet, tal-volum jew parametri oħrajn tas-servizz regolat ta’ roaming bl-imnut ipprovdut ikkonċernat.

Il-fornituri tar-roaming għandhom jippubblikaw l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu.

Artikolu 6f

Ħlasijiet supplimentari tranżizzjonali ta’ roaming bl-imnut

1.   Mit-30 ta’ April 2016 sal-14 ta’ Ġunju 2017, il-fornituri tar-roaming jistgħu japplikaw ħlas supplimentari flimkien mal-prezz domestiku bl-imnut għall-provvista ta’ servizzi regolati ta’ roaming bl-imnut.

2.   Matul il-perijodu msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Artikolu 6e għandu japplika mutatis mutandis.”.

(6)

L-Artikoli 8, 10 u 13 huma mħassra.

(7)

L-Artikolu 14 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu huwa sostitwiti b’dan li ġej:

“Dik l-informazzjoni tariffarja personalizzata bażika għandha tkun espressa fil-munita tal-kont tal-pajjiż ta’ oriġini pprovdut mill-fornitur domestiku tal-klijent u għandha tinkludi informazzjoni dwar:

(a)

kwalunkwe politika ta’ użu ġust li l-klijent tar-roaming huwa soġġett għaliha fl-Unjoni u l-ħlasijiet supplimentari li huma applikabbli għall-użu ‘l fuq minn kwalunkwe limitu taħt dik il-politika ta’ użu ġust; u

(b)

kwalunkwe ħlas supplimentari applikat skont l-Artikolu 6c.”;

(b)

fil-paragrafu 1, is-sitt subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-ewwel, it-tieni, ir-raba’ u l-ħames subparagrafi, bl-eċċezzjoni tar-referenza għall-politika ta’ użu ġust u l-ħlas supplimentari applikat skont l-Artikolu 6c, għandhom japplikaw ukoll għal servizzi ta’ roaming ta’ telefonati bil-vuċi u ta’ SMS użati mill-klijenti tar-roaming li jivvjaġġaw barra mill-Unjoni u pprovduti minn fornitur tar-roaming.”;

(c)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   Il-fornitur tar-roaming għandu jibgħat notifika lill-klijent tar-roaming meta jiġi kkunsmat il-volum kollu applikabbli ta’ użu ġust tal-konsum ta’ servizzi ta’ roaming bil-vuċi jew ta’ SMS regolati jew kwalunkwe limitu massimu għall-użu applikat skont l-Artikolu 6c. Dik in-notifika għandha tindika l-ħlas supplimentari li ser jiġi applikat għal kull konsum addizzjonali ta’ servizzi ta’ roaming, bil-vuċi jew ta’ SMS, regolati mill-klijent tar-roaming. Kull klijent għandu jkollu d-dritt li jitlob lill-fornitur tar-roaming biex ma jibqax jibgħat avviżi ta’ dan it-tip u għandu jkollu d-dritt, fi kwalunkwe ħin u mingħajr ħlas, li jitlob lill-fornitur tar-roaming biex jerġa’ jforni s-servizz.”;

(d)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Meta jsiru l-abbonamenti, il-fornituri tar-roaming għandhom jagħtu l-informazzjoni sħiħa lill-klijenti kollha dwar il-ħlasijiet tar-roaming applikabbli. Huma għandhom jipprovdu wkoll lill-klijenti tar-roaming tagħhom aġġornamenti dwar il-ħlasijiet tar-roaming applikabbli mingħajr dewmien bla bżonn kull darba li jkun hemm bidla f’dawn il-ħlasijiet.

Il-fornituri tar-roaming għandhom wara dan ifakkru permezz ta’ messaġġ, f’intervalli raġonevoli, lill-konsumaturi kollha li jkunu għażlu tariffa oħra.”.

(8)

L-Artikolu 15 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa sostitwiti b’dan li ġej:

“2.   Messaġġ awtomatiku mill-fornitur tar-roaming għandu jgħarraf lill-klijent tar-roaming li dan tal-aħħar ikun qed juża servizzi ta’ roaming tad-data regolati, u għandu jipprovdi informazzjoni tariffarja personalizzata bażika (fil-munita tal-kont tal-pajjiżi ta’ oriġini pprovdut mill-fornitur domestiku tal-klijent) applikabbli għall-provvista ta’ servizzi ta’ roaming tad-data regolati lil dak il-klijent tar-roaming fl-Istat Membru kkonċernat, minbarra meta l-klijent ikun innotifika lill-fornitur tar-roaming li hu ma jeħtieġx dik l-informazzjoni.

Dik l-informazzjoni tariffarja personalizzata bażika għandha tinkludi informazzjoni dwar:

(a)

kwalunkwe politika ta’ użu ġust li l-klijent tar-roaming huwa soġġett għaliha fl-Unjoni u l-ħlasijiet supplimentari li huma applikabbli għall-użu ‘l fuq minn kwalunkwe limitu taħt dik il-politika ta’ użu ġust; u

(b)

kwalunkwe ħlas supplimentari applikat skont l-Artikolu 6c.

L-informazzjoni għandha tintbagħat lill-apparat tal-mobile tal-klijent tar-roaming, pereżempju permezz ta’ messaġġ SMS, posta elettronika jew pop-up window fuq l-apparat tal-mobile, kull darba li l-klijent tar-roaming jidħol fi Stat Membru li mhuwiex dak tal-fornitur domestiku tiegħu u jibda għall-ewwel darba servizz ta’ roaming tad-data f’dak l-Istat Membru partikolari. Din għandha tintbagħat mingħajr ħlas fil-mument li l-klijent tar-roaming jibda servizz regolat tar-roaming tad-data, b’mezz xieraq li jkun adattat biex jiffaċilita li din tiġi riċevuta u tinftiehem faċilment.

Klijent li jkun avża lill-fornitur tar-roaming tiegħu li huwa ma għandux bżonn l-informazzjoni tariffarja awtomatika għandu jkollu d-dritt fi kwalunkwe ħin u mingħajr ħlas li jitlob lill-fornitur tar-roaming biex jerġa’ jipprovdi dan is-servizz.”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   Il-fornitur tar-roaming għandu jibgħat notifika meta jiġi kkunsmat il-volum kollu ta’ użu ġust applikabbli tas-servizz ta’ roaming tad-data regolat jew meta jintlaħaq kwalunkwe limitu massimu għall-użu applikat skont l-Artikolu 6c. Dik in-notifika għandha tindika l-ħlas supplimentari li ser jiġi applikat għal kwalunkwe konsum addizzjonali ta’ servizzi ta’ roaming tad-data regolati mill-klijent tar-roaming. Kull klijent għandu jkollu d-dritt li jitlob lill-fornitur tar-roaming biex ma jibqax jibgħat avviżi ta’ dan it-tip u għandu jkollu d-dritt, fi kwalunkwe ħin u mingħajr ħlas, li jitlob lill-fornitur tar-roaming biex jerġa’ jibda jipprovdi s-servizz.”;

(c)

fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Kull fornitur tar-roaming għandu jagħti lill-klijenti tar-roaming kollha tiegħu l-opportunità li, deliberatament u mingħajr ħlas, jagħżlu faċilità li tipprovdi informazzjoni fil-ħin dwar il-konsum akkumulat, espressa bħala volum jew fil-munita li biha l-klijent tar-roaming iħallas għas-servizzi regolati ta’ roaming tad-data u li tiggarantixxi li, mingħajr il-kunsens espliċitu tal-klijent, in-nefqa akkumulata għal servizzi regolati ta’ roaming tad-data fuq perijodu speċifikat ta’ użu, minbarra l-MMS li jitħallsu fuq bażi ta’ kull unità, ma taqbiżx limitu finanzjarju speċifikat.”;

(d)

fil-paragrafu 6, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.   Dan l-Artikolu, bl-eċċezzjoni tal-paragrafu 5, tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 u tal-paragrafu 2a, u soġġett għat-tieni u t-tielet subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, għandu japplika wkoll għal servizzi ta’ roaming tad-data użati mill-klijenti tar-roaming li jivvjaġġaw barra mill-Unjoni u pprovduti minn fornitur tar-roaming.”.

(9)

L-Artikolu 16 hu emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, is-subparagrafu li ġej huwa miżjud:

“L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom iwettqu monitoraġġ u jissorveljaw lill-fornituri tar-roaming li huma stess jagħmlu użu mill-Artikolu 6b, 6c u 6e(3).”

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jagħmlu pubblikament disponibbli informazzjoni aġġornata dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari l-Artikoli 6a, 6b, 6c, 6e, 7, 9, u 12, b’mod li jippermetti li l-partijiet interessati jkollhom aċċess faċli għaliha.”.

(10)

L-Artikolu 19 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 19

Rieżami

1.   Sad-29 ta’ Novembru 2015, il-Kummissjoni għandha tniedi rieżami tas-suq tar-roaming bl-ingrossa bil-ħsieb li tivvaluta l-miżuri meħtieġa biex tkun possibbli t-tneħħija tal-ħlasijiet supplimentari għar-roaming bl-imnut sal-15 ta’ Ġunju 2017. Il-Kummissjoni għandha teżamina, fost affarijiet oħra, il-livell ta’ kompetizzjoni fis-swieq nazzjonali bl-ingrossa, u partikolarment għandha tivvaluta l-livell tal-ispejjeż bl-ingrossa mġarrba u l-ħlasijiet bl-ingrossa applikati, u s-sitwazzjoni kompetittiva tal-operaturi b’ambitu ġeografiku limitat, inklużi l-effetti ta’ ftehimiet kummerċjali fuq il-kompetizzjoni kif ukoll fuq il-ħila tal-operaturi li jieħdu vantaġġ mill-ekonomiji ta’ skala. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta wkoll l-iżviluppi fil-kompetizzjoni fis-swieq tar-roaming bl-imnut u kwalunkwe riskji ċari ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u inċentivi ta’ investiment fis-swieq domestiċi u dawk miżjura. Fil-valutazzjoni tal-miżuri meħtieġa sabiex jippermettu t-tneħħija tal-ħlasijiet supplimentari għar-roaming bl-imnut, il-Kummissjoni għandha tqis il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-operaturi tan-netwerk miżjura jkunu jistgħu jirkupraw l-ispejjeż kollha tal-provvista ta’ servizzi regolati ta’ roaming bl-ingrossa, inklużi l-ispejjeż konġunti u komuni. Il-Kummissjoni għandha tqis ukoll il-ħtieġa li jiġi pprevenut roaming permanenti jew użu anomalu jew abbużiv ta’ aċċess għar-roaming bl-ingrossa għal skopijiet għajr il-provvista ta’ servizzi regolati ta’ roaming lill-klijenti tal-fornituri tar-roaming filwaqt li dawn l-utenti jivvjaġġaw perjodikament fl-Unjoni.

2.   Sal-15 ta’ Ġunju 2016, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-sejbiet tar-rieżami msemmi fil-paragrafu 1.

Dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposta leġislattiva xierqa ppreċeduta minn konsultazzjoni pubblika, biex jiġu emendati l-ħlasijiet bl-ingrossa għas-servizzi regolati ta’ roaming stipulati f’dan ir-Regolament jew biex tiġi pprovduta soluzzjoni oħra biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet identifikati fil-livell bl-ingrossa bil-ħsieb li jitneħħew il-ħlasijiet supplimentari tar-roaming regolat sal-15 ta’ Ġunju 2017.

3.   Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill kull sentejn wara l-preżentazzjoni tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 2. Kull rapport għandu jinkludi, fost affarijiet oħra, valutazzjoni ta’:

(a)

id-disponibbiltà u l-kwalità tas-servizzi, inklużi dawk li huma alternattiva għas-servizzi regolati ta’ roaming tat-telefonati bil-vuċi, tal-SMS u tad-data, b’mod partikolari meta wieħed iqis l-iżviluppi teknoloġiċi;

(b)

il-livell ta’ kompetizzjoni kemm fis-swieq bl-imnut kif ukoll f’dawk bl-ingrossa, b’mod partikolari s-sitwazzjoni kompetittiva ta’ operaturi żgħar, indipendenti jew li għadhom kemm bdew, inklużi l-effetti fuq il-kompetizzjoni ta’ ftehimiet kummerċjali u l-livell ta’ interkonnessjoni bejn l-operaturi;

(c)

sa fejn l-implimentazzjoni tal-miżuri strutturali previsti fl-Artikoli 3 u 4 pproduċiet riżultati fl-iżvilupp tal-kompetizzjoni fis-suq intern għal servizzi regolati ta’ roaming.

4.   Sabiex jiġu vvalutati l-iżviluppi kompetittivi fis-swieq tar-roaming tal-Unjoni kollha, il-BEREC għandu regolarment jiġbor data mingħand l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali dwar l-iżvilupp ta’ ħlasijiet bl-imnut u bl-ingrossa għal servizzi regolati ta’ roaming ta’ telefonati bil-vuċi, ta’ SMS u ta’ data. Din id-data għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni tal-anqas darbtejn fis-sena. Il-Kummissjoni għandha tippubblikaha.

Fuq il-bażi tad-data miġbura, il-BEREC għandu jirrapporta regolarment ukoll dwar l-evoluzzjoni tat-tendenzi tal-prezzijiet u tal-konsum fl-Istati Membri kemm għal servizzi domestiċi kif ukoll ta’ roaming u l-evoluzzjoni tar-rati reali tar-roaming bl-ingrossa għat-traffiku żbilanċjat bejn il-fornituri tar-roaming.

Il-BEREC għandu wkoll ta’ kull sena jiġbor informazzjoni mingħand l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali dwar it-trasparenza u l-komparabbiltà ta’ tariffi differenti offruti mill-operaturi lill-klijenti tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tippubblika dik id-data u dawk is-sejbiet.”.

Artikolu 8

Emendi fid-Direttiva 2002/22/KE

Fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2002/22/KE, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Il-miżuri nazzjonali li jirrigwardaw l-aċċess tal-utenti aħħarin għal servizzi u applikazzjonijiet jew l-użu tagħhom permezz ta’ netwerks ta’ komunikazzjoni elettronika għandhom jirrispettaw id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, anke b’rabta mal-privatezza u l-proċess ġust, kif definiti fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali.”.

Artikolu 9

Klawżola ta’ rieżami

Sat-30 ta’ April 2019 u kull erba’ snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-Artikoli 3, 4, 5 u 6 u tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fuqhom,. ‘akkumpanjat, jekk ikun meħtieġ, bi proposti xierqa bil-ħsieb li jiġi emendat dan ir-Regolament.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ u dispożizzjonijiet tranżitorji

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Huwa għandu japplika mit-30 ta’ April 2016, minbarra dan li ġej:

(a)

Fil-każ li l-att leġislattiv li għandu jiġi adottat wara l-proposta msemmija fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012 ikun applikabbli fil-15 ta’ Ġunju 2017, il-punt 5 tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament, rigward l-Artikoli 6a sa 6d tar-Regolament (UE) Nru 531/2012, il-punt 7(a) sa (c) tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament u l-punt 8(a), (b) u (d) tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw minn dik id-data.

Fil-każ li l-att leġislattiv ma jkunx applikabbli fil-15 ta’ Ġunju 2017, il-punt 5 tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament, rigward l-Artikolu 6f tar-Regolament (UE) Nru 531/2012 għandu jkompli japplika sakemm dak l-att leġislattiv isir applikabbli.

Fil-każ li dak l-att leġislattiv isir applikabbli wara l-15 ta’ Ġunju 2017, il-punt 5 tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament, rigward l-Artikoli 6a sa 6d tar-Regolament (UE) Nru 531/2012, il-punt 7(a) sa (c) tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament u l-punt 8(a), (b) u (d) tal-Artikolu 7 għandhom japplikaw wara d-data ta’ applikazzjoni ta’ dak l-att leġislattiv;

(b)

l-għoti ta’ setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni fil-punt 4(c) tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament, u fil-punt 5 tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament, rigward l-Artikoli 6d u 6e(2) tar-Regolament (EU) Nru 531/2012 għandu japplika mid-29 ta’ Novembru 2015;

(c)

l-Artikolu 5(3) għandu japplika mid-29 ta’ Novembru 2015;

(d)

il-punt 10 tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament għandu japplika mid-29 ta’ Novembru 2015.

3.   Sal-31 ta’ Diċembru 2016, l-Istati Membri jistgħu jżommu miżuri nazzjonali, inklużi skemi awtoregolatorji, li kienu fis-seħħ qabel id-29 ta’ Novembru 2015 u li ma jikkonformawx mal-Artikolu 3(2) jew (3). L-Istati Membri kkonċernati għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawk il-miżuri sat-30 ta’ April 2016.

4.   Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1203/2012 (12) marbutin mal-modalità teknika għall-implimentazzjoni tal-aċċess għal servizzi ta’ roaming tad-data lokali fuq netwerk miżjura għandhom ikomplu japplikaw għall-finijiet tal-bejgħ separat ta’ servizzi regolati ta’ roaming tad-data bl-imnut sal-adozzjoni tal-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-punt 4(c) tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-25 ta’ Novembru 2015.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

N. SCHMIT


(1)  ĠU C 177, 11.6.2014, p. 64.

(2)  ĠU C 126, 26.4.2015, p. 53.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta’ April 2014 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u pożizzjoni tal-Kunsill f’ewwel qari tal-1 ta’ Ottubru 2015 (ĠU C 365, 4.11.2015, p. 1). Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta’ Ottubru 2015 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Direttiva tal-Kummissjoni 2008/63/KE tal-20 ta’ Ġunju 2008 dwar il-kompetizzjoni fis-swieq ta’ tagħmir tat-terminals tat-telekomunikazzjonijiet (ĠU L 162, 21.6.2008, p. 20).

(5)  Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33); (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13 Volum 29, p. 349).

(6)  Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 51); (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13 Volum 29 p. 367).

(7)  Regolament (UE) Nru 531/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (ĠU L 172, 30.6.2012, p. 10).

(8)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(9)  Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1); (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13, Volum 26, p. 102).

(10)  Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru, 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31); (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13, Volum 15, p. 355).

(11)  Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37); (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13, Volum 29, p. 514).

(12)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1203/2012 tal-14 ta’ Diċembru 2012 dwar il-bejgħ separat ta’ servizzi rregolati tar-roaming bl-imnut fi ħdan l-Unjoni (ĠU L 347, 15.12.2012, p. 1).