ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 137

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 58
4 ta' Ġunju 2015


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/861 tat-3 ta' Ġunju 2015 li jikkonċerna l-awtorizzazzjoni tal-jodur tal-potassju, il-jodat tal-kalċju anidru u l-jodat tal-kalċju anidru miksi u granulat bħala addittivi tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali ( 1 )

1

 

 

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/862 tat-3 ta' Ġunju 2015 li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

8

 

 

DIRETTIVI

 

*

Direttiva ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/863 tal-31 ta' Marzu 2015 li temenda l-Anness II tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-lista ta' sustanzi restritti ( 1 )

10

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE tal-20 ta' Diċembru 2005 dwar miżuri Komunitarji għall-kontroll tal-influwenza tat-tjur u li tħassar id-Direttiva 92/40/KEE ( ĠU L 10, 14.1.2006 )

13

 

*

Rettifika tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2013/10/UE tad-19 ta' Marzu 2013 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 75/324/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mal-aerosol dispensers biex id-dispożizzjonijiet tagħha dwar l-ittikkettar jiġu adattati għar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet ( ĠU L 77, 20.3.2013 )

13

 

*

Rettifika tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 302/2009 tas-6 ta' April 2009 li jistabbilixxi pjan multi-annwali għall-irkupru tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran, li jemeda r-Regolament (KE) Nru 43/2009 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1559/2007 ( ĠU L 96, 15.4.2009 )

13

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

4.6.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 137/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/861

tat-3 ta' Ġunju 2015

li jikkonċerna l-awtorizzazzjoni tal-jodur tal-potassju, il-jodat tal-kalċju anidru u l-jodat tal-kalċju anidru miksi u granulat bħala addittivi tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi li l-użu ta' addittivi fin-nutrizzjoni tal-annimali għandu jkun soġġett għal awtorizzazzjoni u jiddefinixxi r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti ta' din l-awtorizzazzjoni. L-Artikolu 10 ta' dan ir-Regolament jipprevedi l-valutazzjoni mill-ġdid ta' addittivi awtorizzati skont id-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE (2).

(2)

Il-jodur tal-potassju u l-jodat tal-kalċju anidru ġew awtorizzati mingħajr limitu ta' żmien bid-Direttiva 70/524/KEE kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1459/2005 (3). Dawk il-prodotti mbagħad ġew irreġistrati fir-Reġistru tal-addittivi tal-għalf bħala prodotti eżistenti, f'konformità mal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(3)

F'konformità mal-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 flimkien mal-Artikolu 7 tiegħu, ġew ippreżentati applikazzjonijiet għal evalwazzjoni mill-ġdid tal-jodur tal-potassju u l-jodat tal-kalċju anidru bħala addittivi tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 10(2), ġiet ippreżentata applikazzjoni għal evalwazzjoni mill-ġdid tal-jodat tal-kalċju, anidru f'forma ta' pellikola granulata għall-ispeċijiet tal-annimali kollha. Għal dawn it-tliet sustanzi komposti tal-jodju, l-applikanti talbu li l-addittivi jiġu kklassifikati fil-kategorija ta' addittivi “addittivi nutrittivi”. Mal-applikazzjonijiet intbagħtu d-dettalji u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(4)

L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet fl-opinjonijiet tagħha ppubblikati fid-19 ta' Mejju 2014 (4)  (5)  (6)  (7) li, fil-kondizzjonijiet ta' użu proposti, il-jodur tal-potassju, il-jodat tal-kalċju anidru u l-jodat tal-kalċju anidru miksi u granulat ma għandhomx effett negattiv fuq is-saħħa tal-annimali, is-saħħa tal-konsumatur jew l-ambjent.

(5)

L-Awtorità kkonkludiet ukoll li l-jodur tal-potassju, il-jodat tal-kalċju anidru u l-jodat tal-kalċju anidru miksi u granulat huma sorsi effettivi ta' jodju fl-ispeċijiet fil-mira rispettivi u li ma għandu jinqala' l-ebda tħassib dwar is-sikurezza għall-utenti jekk jittieħdu l-miżuri ta' protezzjoni xierqa. L-Awtorità tqis li ma hemmx bżonn ta' rekwiżiti speċifiċi għall-monitoraġġ wara l-kummerċjalizzazzjoni. Hija vverifikat ukoll ir-rapport dwar il-metodu ta' analiżi tal-addittivi fl-għalf ippreżentat mil-Laboratorju ta' Referenza stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(6)

Il-valutazzjoni tal-jodur tal-potassju, il-jodat tal-kalċju anidru u l-jodat tal-kalċju anidru miksi u granulat turi li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni, kif prevvisti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, ġew issodisfati. Għaldaqstant, l-użu ta' dawn is-sustanzi u l-preparazzjonijiet għandu jiġi awtorizzat kif speċifikat fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(7)

Peress li r-raġunijiet ta' sikurezza ma jitolbux l-applikazzjoni immedjata tal-modifiki fil-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni għall-jodur tal-potassju u għall-jodat tal-kalċju anidru, huwa xieraq li l-partijiet interessati jingħataw perjodu tranżizzjonali biex iħejju ruħhom ħalli jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda li jirriżultaw mill-awtorizzazzjoni.

(8)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Awtorizzazzjoni

Is-sustanzi u l-preparazzjonijiet speċifikati fl-Anness, li jifformaw parti mill-kategorija ta' addittivi, “addittivi nutrittivi”, u mill-grupp funzjonali, “komposti ta' mikronutrijenti”, huma awtorizzati bħala addittivi fin-nutrizzjoni tal-annimali, suġġetti għall-kundizzjonijiet stipulati f'dak l-Anness.

Artikolu 2

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 1459/2005

Fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 1459/2005, l-entrati “Jodur tal-potassju” u “jodat tal-kalċju anidru”, marbutin mal-element E 2 Jodju-I, huma mħassra.

Artikolu 3

Miżuri tranżizzjonali

1.   Il-jodur tal-potassju u l-jodat tal-kalċju anidru li kienu awtorizzati skont id-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE u t-taħlitiet lest minn qabel li fihom hemm dawn is-sustanzi, li huma prodotti u ttikkettati qabel l-24 ta' Diċembru 2015 f'konformità mar-regoli applikabbli qabel l-24 ta' Ġunju 2015 jistgħu jibqgħu jitqiegħdu fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw il-ħażniet eżistenti.

2.   Il-materjali tal-għalf u l-għalf kompost li jkun fih is-sustanzi speċifikati fil-paragrafu 1, li huma prodotti u tikkettati qabel l-24 ta' Ġunju 2016 skont ir-regoli applikabbli qabel l-24 ta' Ġunju 2015 jistgħu jibqgħu jitqiegħdu fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw il-ħażniet eżistenti. F'dak li għandu x'jaqsam mal-għalf għall-annimali li ma jipproduċux ikel, il-perjodu taż-żmien għall-produzzjoni u t-tikkettar imsemmi fl-ewwel sentenza għandu jintemm fl-24 ta' Ġunju 2017.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta' Ġunju 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE tat-23 ta' Novembru 1970 li tirrigwarda addittivi f'għalf għall-bhejjem (ĠU L 270, 14.12.1970, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1459/2005 tat-8 ta' Settembru 2005 li jemenda l-kondizzjonijiet ta' numru ta' adittivi għall-għalf tal-bhejjem li jagħmlu parti mill-grupp tal-elementi traċċa (ĠU L 233, 9.9.2005, p. 8).

(4)  EFSA Journal 2013; 11(2):3099.

(5)  EFSA Journal 2013; 11(2):3100.

(6)  EFSA Journal 2013; 11(2):3101.

(7)  EFSA Journal 2013; 11(3):3178.


ANNESS

Numru ta' identifikazzjoni tal-addittiv

Isem id-detentur tal-awtorizzazzjoni

Addittiv

Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku

Speċi jew kategorija tal-annimal

Età massima

Kontenut minimu

Kontenut massimu

Dispożizzjonijiet oħra

Tmiem il-perjodu ta' awtorizzazzjoni

L-element (I) f'mg/kg ta' għalf komplut b'kontenut ta' umdità ta' 12 %

Kategorija tal-addittivi nutrizzjonali. Grupp funzjonali: komposti ta' mikronutrijenti

3b201

Jodju tal-potassju

Kompożizzjoni tal-addittiv

Jodur tal-potassju u l-istearat tal-kalċju, fil-forma ta' trab, b'kontenut minimu ta' jodju ta' 69 %

Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva

Jodjur tal-potassju

Formula kimika: KI

Numru CAS: 7681-11-0

Metodi Analitiċi  (1)

Għall-kwantifikazzjoni tal-Jodjur tal-potassju fl-addittiv tal-għalf:

Titrimetrija — Il-monografija Food Chemicals Codex; jew

Titrimetrija — Il-monografija tal-Farmakopea Ewropea (Eur.Ph. 6 01/2008:0186).

Għall-kwantifikazzjoni tat-total tal-potassju fl-addittiv tal-għalf:

Spettrometrija tal-Assorbiment Atomiku, AAS (EN ISO 6869:2000); jew

Spettrometrija tal-Emissjoni Atomika bi Plażma Akkoppjata Induttivament, ICP-AES (EN 15510:2007).

Għall-kwantifikazzjoni tat-total tal-jodju fit-taħlitiet lesti minn qabel, fil-materjali tal-għalf u fl-għalf kompost:

Spettrometrija tal-Massa bi Plażma Akkoppjata Induttivament (ICP-MS, EN 15111: 2007).

L-ispeċijiet kollha

Ekwini: 4 (total)

Annimali li jixtarru għall-produzzjoni tal-ħalib u tiġieġ li jbidu: 5 (total)

Ħut: 20 (total)

Speċijiet oħrajn jew kategoriji ta' annimali: 10 (total)

1.

L-addittiv għandu jiġi inkorporat fl-għalf kompost fil-forma ta' taħlita lesta minn qabel.

2.

Il-jodat tal-potassju jista' jitqiegħed fis-suq u jintuża bħala addittiv f'għamla ta' preparazzjoni.

3.

Għandhom jittieħdu l-miżuri protettivi skont ir-regolamenti nazzjonali li jimplimentaw il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, fosthom id-Direttivi tal-Kunsill 89/391/KEE (2), 89/656/KEE (3), 92/85/KEE (4) and 98/24/KE (5). Waqt il-manipulazzjoni għandhom jintlibsu ingwanti protettivi adattati u apparat protettiv għan-nifs u għall-għajnejn, skont id-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE (6).

4.

Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv u t-taħlitiet lesti minn qabel, indika l-kundizzjonijiet tal-ħżin u tal-istabbiltà.

5.

Il-kontenut massimu rakkomandat tat-total tal-jodju fl-għalf komplet għall-:

ekwini huwa ta' 3 mg/kg,

klieb huwa ta' 4 mg/kg,

qtates huwa ta' 5 mg/kg,

annimali li jixtarru għall-produzzjoni tal-ħalib huwa ta' 2 mg/kg u

tiġieġ li jbidu huwa ta' 3 mg/kg.

l-24 ta' Ġunju 2025

3b202

jodat tal-kalċju, anidru

Kompożizzjoni tal-addittiv

Jodat tal-kalċju, anidru, fil-forma ta' trab, b'kontenut minimu ta' jodju ta' 63,5 %

Karatterizzazzjoni tas-sustanzi attivi

Formula kimika: Ca(IO3)2

Numru CAS: 7789-80-2

Metodi Analitiċi  (1)

Għall-kwantifikazzjoni tal-jodat tal-Kalċju fl-addittiv tal-għalf:

Titrimetrija — Il-monografija Food Chemicals Codex; jew

Titrimetrija — Il-monografija tal-Farmakopea Ewropea (Eur.Ph. 6 01/2008:20504).

Għall-kwantifikazzjoni tat-total tal-kalċju fl-addittiv tal-għalf:

Spettrometrija tal-Assorbiment Atomiku, AAS (EN ISO 6869:2000); jew

Spettrometrija tal-Emissjoni Atomika bi Plażma Akkoppjata Induttivament, ICP-AES (EN 15510:2007).

Għall-kwantifikazzjoni tat-total tal-jodju fit-taħlitiet lesti minn qabel, fil-materjali tal-għalf u fl-għalf kompost:

Spettrometrija tal-Massa bi Plażma Akkoppjata Induttivament (ICP-MS, EN 15111: 2007).

L-ispeċijiet kollha

Ekwini: 4 (total)

Annimali li jixtarru għall-produzzjoni tal-ħalib u tiġieġ li jbidu: 5 (total)

Ħut: 20 (total)

Speċijiet oħrajn jew kategoriji ta' annimali: 10 (total)

1.

L-addittiv għandu jiġi inkorporat fl-għalf kompost fil-forma ta' taħlita lesta minn qabel.

2.

Il-jodat tal-kalċju, anidru jista' jitqiegħed fis-suq u jintuża bħala addittiv f'għamla ta' preparazzjoni.

3.

Għandhom jittieħdu l-miżuri protettivi skont ir-regolamenti nazzjonali li jimplimentaw il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, fosthom id-Direttivi tal-Kunsill 89/391/KEE, 89/656/KEE, 92/85/KEE u 98/24/KE. Waqt il-manipulazzjoni għandhom jintlibsu ingwanti protettivi adattati u apparat protettiv għan-nifs u għall-għajnejn, skont id-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE.

4.

Il-kontenut massimu rakkomandat tat-total tal-jodju fl-għalf komplet għall-:

ekwini huwa ta' 3 mg/kg,

klieb huwa ta' 4 mg/kg,

qtates huwa ta' 5 mg/kg,

annimali li jixtarru għall-produzzjoni tal-ħalib huwa ta' 2 mg/kg u

tiġieġ li jbidu huwa ta' 3 mg/kg.

l-24 ta' Ġunju 2025

3b203

Jodat tal-kalċju, anidru miksi u granulat

Kompożizzjoni tal-addittiv

Preparazzjoni tal-jodat tal-kalċju, anidru miksi u granulat b'kontenut tal-jodju ta' 1 % sa 10 %

Aġenti tal-kisi u aġenti tad-dispersjoni (għażla ta' polyoxyethlene (20) sorbitanmonolaurate (E 432), u riċinoleat tal-gliċerol polietilenglikol (E484), polietilenglikol 300, sorbitol (E420ii) u maltodestrina): < 5 %.

Materjali tal-għalf (il-karbonat tal-kalċju u tal-manjeżju, il-karbonat tal-kalċju, iċ-ċifċiegħa tal-qamħirrum) bħala aġenti tal-granulazzjoni.

Partikuli < 50 μm: < 1,5 %

Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva

Formula kimika: Ca(IO3)2

Numru CAS: 7789-80-2

Metodi Analitiċi  (1)

Għall-kwantifikazzjoni tal-jodat tal-Kalċju fl-addittiv tal-għalf:

Titrimetrija — Il-monografija Food Chemicals Codex; jew

Titrimetrija — Il-monografija tal-Farmakopea Ewropea (Eur.Ph. 6 01/2008:20504).

Għall-kwantifikazzjoni tat-total tal-kalċju fl-addittiv tal-għalf:

Spettrometrija tal-Assorbiment Atomiku, AAS (EN ISO 6869:2000); jew

Spettrometrija tal-Emissjoni Atomika bi Plażma Akkoppjata Induttivament, ICP-AES (EN 15510:2007).

Għall-kwantifikazzjoni tat-total tal-jodju fit-taħlitiet lesti minn qabel, fil-materjali tal-għalf u fl-għalf kompost:

Spettrometrija tal-Massa bi Plażma Akkoppjata Induttivament (ICP-MS, EN 15111: 2007).

L-ispeċijiet kollha

Ekwini: 4 (total)

Annimali li jixtarru għall-produzzjoni tal-ħalib u tiġieġ li jbidu: 5 (total)

Ħut: 20 (total)

Speċijiet oħrajn jew kategoriji ta' annimali: 10 (total)

1.

Għas-sikurezza tal-utent: waqt il-manipulazzjoni għandhom jintlibsu protezzjoni għan-nifs u nuċċalijiet u ingwanti tas-sikurezza.

2.

Il-kontenut massimu rakkomandat tat-total tal-jodju fl-għalf komplet għall-:

ekwini huwa ta' 3 mg/kg,

klieb huwa ta' 4 mg/kg,

qtates huwa ta' 5 mg/kg,

annimali li jixtarru għall-produzzjoni tal-ħalib huwa ta' 2 mg/kg u

tiġieġ li jbidu huwa ta' 3 mg/kg.

l-24 ta' Ġunju 2025


(1)  Id-dettalji tal-metodi analitiċi huma disponibbli fl-indirizz li ġej tal-Laboratorju ta' Referenza tal-Unjoni Ewropea: https://ec.europa.eu/jrc/en/eurl/feed-additives/evaluation-reports

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta' Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 89/656/KEE tat-30 ta' Novembru 1989 dwar il-ħtiġiet minimi ta' sigurtà u ta' saħħa għall-użu ta' tagħmir ta' protezzjoni personali mill-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol (ĠU L 393, 30.12.1989, p. 18).

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta' mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (ĠU L 348, 28.11.1992, p. 1).

(5)  Id-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE tas-7 ta' April 1998 dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema mir-riskji li għandhom x'jaqsmu mal-aġenti kimiċi fuq il-post tax-xogħol (ĠU L 131, 5.5.1998, p. 11).

(6)  Id-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE tal-21 ta' Diċembru 1989 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward l-apparat personali protettiv (ĠU L 399, 30.12.1989, p. 18).


4.6.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 137/8


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/862

tat-3 ta' Ġunju 2015

li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta' Ġunju 2011 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (2) u b'mod partikolari l-Artikolu 136(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula, skont ir-riżultat tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-kriterji li bihom il-Kummissjoni tiffissal-valuri standard għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi stipulati fl-Anness XVI, il-Parti A tiegħu.

(2)

Il-valur standard tal-importazzjoni huwa kkalkulat kull ġurnata tax-xogħol skont l-Artikolu 136(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, billi jqis id-dejta varjabbli ta' kuljum. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri standard tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta' Ġunju 2015.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Jerzy PLEWA

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.


ANNESS

Il-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

(EUR/100 kg)

Kodiċi tan-NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur standard tal-importazzjoni

0702 00 00

AL

46,1

MA

77,9

MK

71,9

TN

138,3

TR

80,1

ZZ

82,9

0707 00 05

AL

34,4

MK

40,6

ZZ

37,5

0709 93 10

TR

70,0

ZZ

70,0

0805 50 10

AR

109,6

BO

145,2

BR

107,1

TR

67,0

ZA

166,3

ZZ

119,0

0808 10 80

AR

93,1

BR

100,6

CL

138,8

NZ

131,1

US

219,4

ZA

132,9

ZZ

136,0

0809 10 00

TR

288,5

ZZ

288,5

0809 29 00

US

507,5

ZZ

507,5


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1106/2012 tas-27 ta' Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma' pajjiżi li mhumiex membri, fir-rigward tal-aġġornament tan-nomenklatura tal-pajjiżi u t-territorji (ĠU L 328, 28.11.2012, p. 7). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “ta' oriġini oħra”.


DIRETTIVI

4.6.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 137/10


DIRETTIVA TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/863

tal-31 ta' Marzu 2015

li temenda l-Anness II tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-lista ta' sustanzi restritti

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-8 ta' Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta' ċerti sustanzi ta' riskju fit-tagħmir elettriku u elettroniku, (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 6(3) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2011/65/UE tistipula r-regoli dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta' sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (EEE) bil-għan li tikkontribwixxi għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, inkluż l-irkupru u r-rimi mingħajr preġudizzju għall-ambjent tal-iskart EEE.

(2)

Id-Direttiva 2011/65/EU tipprojbixxi l-użu taċ-ċomb, tal-merkurju, tal-kadmju, tal-kromju eżavalenti, tal-bifenili polibrominati (PBB) u tal-eteri tad-difenil polibrominat (PBDE) fit-tagħmir elettriku u elettroniku imqiegħed fis-suq tal-Unjoni. L-Anness II għal din id-Direttiva jelenka dawk is-sustanzi ristretti.

(3)

Hekk kif tkun qed titwettaq ir-rieżami perjodiku tal-lista ta' sustanzi soġġetti għar-restrizzjoni tal-użu fl-Anness II għandhom jiġu kkunsidrati prioritarji dawk ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent ġejjin mill-użu tal-eżobromċiklodekan (HBCDD), tal-ftalat ta' bis(2-etileżil) (DEHP), tal-butilbenżilftalat (BBP) u tad-dibutilftalat (DBP). Għal fini ta' restrizzjonijiet ulterjuri, is-sustanzi li kienu suġġetti għal evalwazzjonijiet preċedenti għandhom jerġgħu jiġu investigati.

(4)

Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/65/UE, il-partijiet interessati, inklużi operaturi ekonomiċi, riċiklaturi, operaturi tat-trattament, organizzazzjonijiet ambjentali u assoċjazzjonijiet tal-impjegati u tal-konsumaturi, ġew ikkonsultati u saret valutazzjoni bir-reqqa.

(5)

Il-ftalat ta' bis(2-etileżil) (DEHP), il-butilbenżilftalat (BBP), id-dibutilftalat (DBP) u d-diisobutilftalat (DIBP) huma sustanzi ta' tħassib serju ħafna (SVHC). Id-DIBP huwa sustanza li tista' tintuża bħala sostitut għad-DBP u kien soġġett għal valutazzjonijiet preċedenti mwettqa mill-Kummissjoni. L-evidenza disponibbli tindika li dawn l-erba' sustanzi, meta jintużaw fl-EEE, jista' jkollhom impatt negattiv fuq ir-riċiklaġġ u fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent waqt l-operazzjonijiet ta' ġestjoni tal-iskart tal-EEE.

(6)

Hemm disponibbli għad-DEHP, il-BBP, id-DBP u d-DIBP sostituti li għandhom impatti anqas negattivi fil-biċċa l-kbira tal-EEE. L-użu ta' dawk is-sustanzi f'tagħmir elettriku u elettroniku (EEE) għandu għalhekk jiġi ristrett. Id-DEHP, il-BBP u d-DBP diġà huma ristretti permezz tal-annotazzjoni 51 tal-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), b'tali mod li l-ġugarelli li fihom id-DEHP, il-BBP u d-DBP f'konċentrazzjoni ta' iktar minn 0,1 % skont il-piż tal-materjal plastifikat, ikkalkolati għat-tliet ftalati b'mod kumulattiv, ma jistgħux jitqiegħdu fis-suq tal-UE. Sabiex tiġi evitata r-regolamentazzjoni doppja, ir-restrizzjoni permezz tal-annotazzjoni 51 tal-Anness XVII ta' dak ir-Regolament għandha għalhekk tkompli tkun l-unika restrizzjoni applikabbli għad-DEHP, il-BBP u id-DBP fil-ġugarelli.

(7)

Sabiex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni u biex jittaffu l-impatti soċjoekonomiċi possibbli, għandu jingħata perijodu transitorju xieraq, li jippermetti lill-operaturi ekonomiċi japplikaw għal eżenzjonijiet mir-restrizzjonijiet fuq is-sustanzi skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/65/UE. L-itwal ċikli ta' innovazzjoni għat-tagħmir mediku u għall-istrumenti ta' monitoraġġ u kontroll għandhom jitqiesu meta jkun determinat il-perjodu ta' tranżizzjoni. Ir-restrizzjoni tal-użu tad-DEHP, il-BBP, id-DBP u d-DIBP għandu għalhekk, sa mit-22 ta' Lulju 2021, japplika għal apparat mediku, inkluż l-apparat mediku in vitro, u strumenti ta' monitoraġġ u kontroll, inklużi strumenti ta' monitoraġġ u kontroll industrijali.

(8)

Kwalunkwe adattament tal-Annessi III jew IV tad-Direttiva 2011/65/UE sabiex jiġu eżentati applikazzjonijiet fir-rigward tad-DEHP jew id-DBP għandu jsir b'mod li, sabiex tiġi evitata r-regolamentazzjoni doppja u piż mhux meħtieġ, jiżgura koerenza mal-amministrazzjoni ta' kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 rigward l-inkorporazzjoni ta' dawn is-sustanzi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (EEE). L-operaturi li qed iqisu jekk japplikawx għal eżenzjonijiet skont id-Direttiva 2011/65/UE għandhom ikunu konxji li tali eżenzjonijiet jistgħu jkopru ċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-EEE, inkluż il-perijodu tal-produzzjoni.

(9)

Għaldaqstant, id-Direttiva 2011/65/UE għandha tiġi emendata skont dan,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness II tad-Direttiva 2011/65/UE huwa ssostitwit bit-test fl-Anness ta' din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2016. Għandhom jikkomunikaw it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.

Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mit-22 ta' Lulju 2019.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet primarji tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta' Marzu 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).


ANNESS

“ANNEX II

Sustanzi restritti msemmija fl-Artikolu 4(1) u valuri massimi ta' konċentrazzjoni ttollerati skont il-piż f'sustanzi omoġenji

 

Ċomb (0,1 %)

 

Merkurju (0,1 %)

 

Kadmju (0,01 %)

 

Kromju eżavalenti (0,1 %)

 

Bifenili polibrominati (PBB) (0,1 %)

 

Eteri tad-difenil polibrominat (PBDE) (0,1 %)

 

Ftalat ta' bis(2-etileżil) (DEHP) (0,1 %)

 

Butilbenżilftalat (BBP) (0,1 %)

 

Dibutilftalat (DBP) (0,1 %)

 

Diisobutilftalat (DIBP) (0,1 %)

Mit-22 ta' Lulju 2021 għandha tapplika r-restrizzjoni tad-DEHP, il-BBP, id-DBP u d-DIBP għall-apparat mediku, inkluż l-apparat mediku in vitro, u l-istrumenti ta' monitoraġġ u kontroll, inklużi strumenti ta' monitoraġġ u kontroll industrijali.

Ir-restrizzjoni tad-DEHP, il-BBP, id-DBP u d-DIBP m'għandhiex tapplika għall-kejbils jew il-parts tal-bdil għat-tiswija, ir-riutilizzazzjoni, l-aġġornament tal-funzjonalitajiet jew it-titjib tal-prestazzjoni tat-tagħmir elettriku u elettroniku, li jitqiegħed fis-suq qabel it-22 ta' Lulju 2019, u tal-apparat mediku inkluż l-apparat mediku in vitro, u l-istrumenti ta' kontroll u monitoraġġ, inklużi l-istrumenti ta' monitoraġġ u kontroll industrijali, li jitqiegħdu fis-suq qabel it-22 ta' Lulju 2021.

Ir-restrizzjoni tad-DEHP, il-BBP u d-DBP m'għandhiex tapplika għall-ġugarelli li huma diġà suġġetti għar-restrizzjoni tad-DEHP, il-BBP u d-DBP permezz tal-annotazzjoni 51 tal-Anness XVII għar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.”


Rettifika

4.6.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 137/13


Rettifika tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE tal-20 ta' Diċembru 2005 dwar miżuri Komunitarji għall-kontroll tal-influwenza tat-tjur u li tħassar id-Direttiva 92/40/KEE

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 10 tal-14 ta' Jannar 2006 )

Fil-paġna 48, l-Anness IX, il-paragrafu 5(c)(ii):

minflok:

“(ii)

joriġinaw minn bajd għat-tifqis li jissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punt (a) tal-paragrafu 2, il-punt (a) tal-paragrafu 3 jew il-punt (a) tal-paragrafu 4;”

aqra:

“(ii)

joriġinaw minn bajd għat-tifqis li jissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punt (a) tal-paragrafu 3;”


4.6.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 137/13


Rettifika tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2013/10/UE tad-19 ta' Marzu 2013 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 75/324/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mal-aerosol dispensers biex id-dispożizzjonijiet tagħha dwar l-ittikkettar jiġu adattati għar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 77 tal-20 ta' Marzu 2013 )

F'paġna 21, fl-Artikolu 1(2)(b), fl-emenda tal-punt 2.2(a)(i) tad-Direttiva 75/324/KEE:

minflok:

“id-dikjarazzjoni dwar il-periklu H229: ‘Kontenitur taħt pressjoni: Jista' jfaqqa' bit-tisħin’,”

aqra:

“id-dikjarazzjoni dwar il-periklu H229: ‘Kontenitur taħt pressjoni. Jista' jinfaqa' jekk jissaħħan’,”


4.6.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 137/13


Rettifika tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 302/2009 tas-6 ta' April 2009 li jistabbilixxi pjan multi-annwali għall-irkupru tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran, li jemeda r-Regolament (KE) Nru 43/2009 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1559/2007

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 96 tal-15 ta' April 2009 )

It-titolu fil-paġna tal-Werrej u t-titolu fil-paġna 1:

minflok:

“Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 302/2009 tas-6 ta' April 2009 li jistabbilixxi pjan multi-annwali għall-irkupru tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran, li jemeda r-Regolament (KE) Nru 43/2009 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1559/2007”

aqra:

“Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 302/2009 tas-6 ta' April 2009 dwar pjan multi-annwali għall-irkupru tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 43/2009 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1559/2007”