ISSN 1977-074X

doi:10.3000/1977074X.L_2012.315.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 315

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 55
14 ta' Novembru 2012


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

DIRETTIVI

 

*

Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE ( 1 )

1

 

*

Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI

57

 

*

Direttiva 2012/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta' kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 54 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dwar il-formazzjoni ta’ kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbiltà limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-għan li jagħmlu dawn is-salvagwardji ekwivalenti ( 1 )

74

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

DIRETTIVI

14.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 315/1


DIRETTIVA 2012/27/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-25 ta' Ottubru 2012

dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 194(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

L-Unjoni qed tiffaċċja sfidi bla preċedent li jirriżultaw minn żieda fid-dipendenza fuq importazzjonijiet ta' enerġija u riżorsi skarsi tal-enerġija, kif ukoll il-ħtieġa li jiġi limitat it-tibdil fil-klima u li tingħeleb il-kriżi ekonomika. L-effiċjenza fl-enerġija hija mezz siewi sabiex jiġu indirizzati dawn l-isfidi. Hija ttejjeb is-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni billi tnaqqas kemm il-konsum tal-enerġija primarja kif ukoll l-importazzjonijiet tal-enerġija. Hija tgħin sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b'mod li huwa kosteffettiv u b'hekk jittaffa t-tibdil fil-klima. Il-bidla lejn ekonomija iktar effiċjenti fl-enerġija għandha wkoll taċċellera l-firxa ta' soluzzjonijiet teknoloġiċi innovattivi u ttejjeb il-kompetittività tal-industrija fl-Unjoni, filwaqt li jiġi xprunat it-tkabbir ekonomiku u jinħolqu impjiegi ta' kwalità għolja f'diversi setturi relatati mal-effiċjenza fl-enerġija.

(2)

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-8 u tad-9 ta' Marzu 2007 enfasizzaw il-ħtieġa li tiżdied l-effiċjenza fl-enerġija fl-Unjoni ħalli jintlaħaq l-għan li sal-2020 jiġi ffrankat 20 % mill-konsum tal-enerġija primarja tal-Unjoni meta pparagunat mal-projezzjonijiet. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-4 ta' Frar 2011 enfasizzaw li l-mira ta' 20 % għall-effiċjenza fl-enerġija fl-2020 kif maqbula mill-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2010, li bħalissa mhux qed isir progress lejha, trid tintlaħaq. Il-projezzjonijiet li saru fl-2007 kienu juru konsum tal-enerġija primarja fl-2020 ta' 1 842 Mtoe. Tnaqqis ta' 20 % jirriżulta f'1 474 Mtoe fl-2020, jiġifieri tnaqqis ta' 368 Mtoe meta pparagunat mal-projezzjonijiet.

(3)

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta' Ġunju 2010 kkonfermaw il-mira għall-effiċjenza fl-enerġija bħala waħda mill-miri ewlenin tal-istrateġija l-ġdida tal-Unjoni għal impjiegi u tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv ("l-Istrateġija Ewropa 2020"). Skont dan il-proċess u sabiex ikun implimentat dan l-għan fuq il-livell nazzjonali, l-Istati Membri huma mitluba jiffissaw miri nazzjonali bi djalogu mill-qrib mal-Kummissjoni u jindikaw, fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma tagħhom, kif biħsiebhom jilħquhom.

(4)

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-10 ta' Novembru 2010 dwar Enerġija 2020 tqiegħed lill-effiċjenza fl-enerġija fiċ-ċentru tal-istrateġija għall-enerġija tal-Unjoni għall-2020 u tiddeskrivi fil-qosor il-ħtieġa għal strateġija ġdida għall-effiċjenza fl-enerġija li ser tagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri kollha li jiddiżakkoppjaw l-użu tal-enerġija mit-tkabbir ekonomiku.

(5)

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2010 dwar ir-Reviżjoni tal-Pjan ta' Azzjoni għall-Effiċjenza fl-enerġija, il-Parlament Ewropew appella lill-Kummissjoni sabiex fil-Pjan ta' Azzjoni għall-Effiċjenza fl-enerġija rivedut tagħha tinkludi miżuri ħalli jingħalaq id-distakk sabiex jintlaħaq l-għan kumplessiv tal-effiċjenza fl-enerġija tal-Unjoni fl-2020;

(6)

Waħda mill-inizjattivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 hija l- Ewropa li tuża r-riżorsi b'effiċjenza li ġiet adottata mill-Kummissjoni fis-26 ta' Jannar 2011. Din tidentifika l-effiċjenza fl-enerġija bħala element ewlieni sabiex tkun żgurata s-sostenibbiltà tal-użu tar-riżorsi tal-enerġija.

(7)

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-4 ta' Frar 2011 irrikonoxxew li l-mira għall-effiċjenza fl-enerġija tal-Unjoni mhijiex fit-triq it-tajba u li hija meħtieġa azzjoni ddeterminata sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal konsiderevoli għal iktar iffrankar tal-enerġija fil-bini, fit-trasport, fil-prodotti u fil-proċessi. Dawk il-konklużjonijiet jipprevedu wkoll li l-implimentazzjoni tal-mira tal-Unjoni tal-effiċjenza fl-enerġija ser tiġi rieżaminata sal-2013 u jiġu kkunsidrati aktar miżuri jekk ikun meħtieġ.

(8)

Fit-8 ta' Marzu 2011, il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni tagħha dwar Pjan Ewropew għall-Effiċjenza fl-Enerġija 2011. Il-Komunikazzjoni kkonfermat li l-Unjoni mhijiex fit-triq it-tajba sabiex tilħaq il-mira tagħha għall-effiċjenza fl-enerġija. Dan minkejja l-progress tal-politika nazzjonali dwar l-effiċjenza fl-enerġija deskritti fl-ewwel Pjani ta' Azzjoni Nazzjonali tal-Effiċjenza fl-Enerġija ppreżentati mill-Istati Membri biex jintlaħqu r-rekwiżiti tad-Direttiva 2006/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2006 dwar effiċjenza fl-użu finali tal-enerġija u dwar servizzi ta' enerġija (4). L-analiżi inizjali tat-tieni Pjani ta' Azzjoni tikkonferma li l-Unjoni mhijiex fit-triq it-tajba. Biex jinstab rimedju għal dak, il-Pjan għall-Effiċjenza fl-Enerġija 2011 iċċara għadd ta' politiki u ta' miżuri dwar l-effiċjenza fl-enerġija li jkopru l-katina sħiħa tal-enerġija, inklużi l-ġenerazzjoni, it-trasmissjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija; ir-rwol ewlieni tas-settur pubbliku fl-effiċjenza fl-enerġija; il-bini u l-appliances; l-industrija; u l-ħtieġa sabiex il-klijenti aħħarin jingħataw is-setgħa ħalli jiġġestixxu l-konsum tal-enerġija tagħhom. L-effiċjenza fl-enerġija fis-settur tat-trasport kienet ikkunsidrata b'mod parallel fil-White Paper dwar it-Trasport li kienet adottata fit-28 ta' Marzu 2011. B'mod partikolari, l-Inizjattiva 26 tal-White Paper titlob li jiġu stabbiliti standards xierqa għall-emissjonijiet tas- CO2 tal-vetturi fil-mezzi kollha ta' trasport, u fejn dan ikun meħtieġ, għandhom jiġu ssupplimentati b'rekwiżiti għall-effiċjenza fl-enerġija biex jiġu indirizzati t-tipi kollha ta' sistemi ta' propulsjoni.

(9)

Fit-8 ta' Marzu 2011, il-Kummissjoni adottat ukoll Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fl-2050, fejn identifikat il-ħtieġa minn din il-perspettiva għal fokus ikbar fuq l-effiċjenza fl-enerġija.

(10)

F'dan il-kuntest, jeħtieġ li l-qafas legali tal-Unjoni għall-effiċjenza fl-enerġija jiġi aġġornat b'Direttiva li jkollha l-għan kumplessiv tal-mira għall-effiċjenza fl-enerġija li jiġi ffrankat 20 % mill-konsum tal-enerġija primarja tal-Unjoni sal-2020, u li jsir iktar titjib fl-effiċjenza fl-enerġija wara l-2020. Għal dan il-għan, din id-Direttiva għandha tistabbilixxi qafas komuni sabiex tkun promossa l-effiċjenza fl-enerġija fi ħdan l-Unjoni u għandha tistabbilixxi azzjonijiet speċifiċi ħalli jiġu implimentati wħud mill-proposti inklużi fil-Pjan għall-Effiċjenza fl-Enerġija 2011 u jintlaħqu l-potenzjali sinifikanti mhux imwettqa ta' ffrankar tal-enerġija li tidentifika.

(11)

Id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar l-isforz tal-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra biex jonoraw l-impenji tal-Komunità għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2020 (5)tirrikjedi li sal-2012, il-Kummissjoni tivvaluta u tirrapporta dwar il-progress tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha sabiex sal-2020 jintlaħaq l-għan li jitnaqqas il-konsum tal-enerġija b'20 % meta pparagunat mal-projezzjonijiet. Hija tiddikjara wkoll li, sabiex l-Istati Membri jiġu mgħejuna jissodisfaw l-impenji ta' tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni, sal-31 ta' Diċembru 2012, il-Kummissjoni għandha tipproponi miżuri msaħħa jew ġodda sabiex jiġi aċċellerat it-titjib fl-effiċjenza fl-enerġija. Din id-Direttiva hija reazzjoni għal dan ir-rekwiżit. Hija tagħti wkoll kontribut sabiex jintlaħqu l-miri stabbiliti fil-Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fl-2050, b'mod partikolari billi jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mis-settur tal-enerġija, u sabiex tinkiseb produzzjoni tal-elettriku b'żero emissjonijiet sal-2050.

(12)

Irid jittieħed approċċ integrat sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal kollu eżistenti tal-iffrankar tal-enerġija, li jinkludi l-iffrankar fis-setturi tal-provvista tal-enerġija u tal-użu aħħari. Fl-istess ħin, għandhom jissaħħu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Frar 2004 dwar il-promozzjoni ta' kogenerazzjoni bbażata fuq id-domanda għal sħana utli fis-suq intern tal-enerġija (6) u tad-Direttiva 2006/32/KE.

(13)

Ikun aħjar jekk il-mira għall-effiċjenza fl-enerġija ta' 20 % tintlaħaq bħala riżultat ta' implimentazzjoni kumulattiva ta' miżuri nazzjonali u Ewropej speċifiċi li jippromwovu l-effiċjenza fl-enerġija f'oqsma differenti. L-Istati Membri għandhom jintalbu jistabbilixxu miri, skemi u programmi nazzjonali indikattivi għall-effiċjenza fl-enerġija. Dawn il-miri u l-isforzi individwali ta' kull Stat Membru għandhom jiġu evalwati mill-Kummissjoni, flimkien ma' data dwar il-progress li jkun sar, sabiex tkun ivvalutata l-probabbiltà li tintlaħaq il-mira kumplessiva tal-Unjoni u sa fejn l-isforzi individwali huma biżżejjed sabiex tintlaħaq il-mira komuni. Il-Kummissjoni għalhekk għandha timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-programmi nazzjonali tal-effiċjenza fl-enerġija permezz tal-qafas leġiżlattiv rivedut tagħha u fi ħdan il-proċess tal-Ewropa 2020. Meta jistabbilixxu l-miri indikattivi nazzjonali għall-effiċjenza fl-enerġija, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jqisu ċ-ċirkostanzi nazzjonali li jaffettwaw il-konsum tal-enerġija primarja bħall-potenzjal li fadal biex tiġi ffrankata l-enerġija b'mod kosteffettiv, il-bidliet fl-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-enerġija, l-iżvilupp tas-sorsi kollha ta' enerġiji rinnovabbli, l-enerġija nukleari, il-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju, u l-azzjoni bikrija. Meta jitwettqu eżerċizzji ta' mmudellar, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Istati Membri fuq suppożizzjonijiet tal-mudelli u r-riżultati abbozzati tal-mudelli fil-ħin u bi trasparenza. Huwa meħtieġ immudellar aħjar tal-impatt tal-miżuri għall-effiċjenza fl-enerġija u tal-istokk u l-prestazzjoni tat-teknoloġiji.

(14)

Id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (7) tgħid li Ċipru u Malta, minħabba l-karattru insulari u periferali tagħhom, jiddependu fuq l-avjazzjoni bħala mezz ta' trasport, li huwa essenzjali għaċ-ċittadini u għall-ekonomija tagħhom. Minħabba dan, Ċipru u Malta għandhom konsum finali gross tal-enerġija fit-trasport nazzjonali bl-ajru li huwa sproporzjonatament għoli, jiġifieri iżjed minn tliet darbiet daqs il-medja tal-Komunità fl-2005, u għalhekk huma affettwati b'mod sproporzjonat mir-restrizzjonijiet teknoloġiċi u regolatorji attwali.

(15)

Il-volum totali tal-infiq pubbliku huwa ekwivalenti għal 19 % tal-prodott domestiku gross tal-Unjoni. Għal din ir-raġuni s-settur pubbliku jikkostitwixxi xprun importanti sabiex jingħata stimolu lit-trasformazzjoni tas-swieq lejn prodotti, bini u servizzi iktar effiċjenti, kif ukoll biex jingħata bidu għal bidliet fl-imġiba fil-konsum tal-enerġija miċ-ċittadini u mill-intrapriżi. Barra minn hekk, it-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija permezz ta' miżuri għal titjib tal-effiċjenza fl-enerġija jistgħu jagħmlu disponibbli riżorsi pubbliċi għal finijiet oħrajn. Korpi pubbliċi fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali għandhom jaqdu rwol eżemplari fir-rigward tal-effiċjenza fl-enerġija.

(16)

Waqt li jitqies li l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta' Ġunju 2011 dwar il-Pjan għall-Effiċjenza fl-Enerġija tal-2011 saħaq dwar il-fatt li l-bini jirrappreżenta 40 % tal-konsum tal-enerġija finali tal-Unjoni, u sabiex jittieħdu l-opportunitajiet ta' tkabbir u impjiegi fil-professjonijiet speċjalizzati u s-setturi tal-kostruzzjoni kif ukoll fil-produzzjoni ta' prodotti tal-kostruzzjoni u f'attitudnijiet professjonali, bħall-arkitettura, il-konsulenza u l-inġenjerija, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu strateġija fuq perijodu fit-tul lil hinn mill-2020 biex jimmobilizzaw l-investiment fir-rinnovazzjoni ta' bini residenzjali u kummerċjali bil-għan li jtejbu l-prestazzjoni tal-bini kollu. Dik l-istrateġija għandha tindirizza rinnovazzjonijiet kosteffettivi profondi li jwasslu għal rinnovazzjoni li tnaqqas kemm il-konsum tal-enerġija mwassla kif ukoll finali ta' bini b'perċentwal sinifikanti mqabbel mal-livelli ta' qabel ir-rinnovazzjoni li jwasslu għal prestazzjoni b'użu għoli ta' enerġija. Għandu jkun possibbli li tali rinnovazzjonijiet profondi jkunu jistgħu jsiru fi stadji differenti.

(17)

Ir-rata ta' rinovazzjoni tal-bini jeħtieġ li tiżdied, peress li l-istokk tal-bini eżistenti jirrappreżenta l-ikbar settur potenzjal waħdieni għall-iffrankar tal-enerġija. Barra minn hekk, il-bini huwa kruċjali sabiex jintlaħaq l-għan tal-Unjoni li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra bi 80-95 % sal-2050 meta pparagunati mal-1990. Il-bini li jkun il-proprjetà ta' korpi pubbliċi jammonta għal sehem konsiderevoli mill-istokk tal-bini u għandu viżibbiltà kbira fil-ħajja pubblika. Għalhekk huwa xieraq li tiġi ffissata rata annwali ta' rinovazzjoni tal-bini li jkun il-proprjetà ta' u okkupat mill-gvern ċentrali fit-territorju ta' Stat Membru biex tiġi aġġornata l-prestazzjoni tal-enerġija tiegħu. Din ir-rata ta' rinovazzjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi fir-rigward tal-bini b'użu ta' kważi żero enerġija ffissati fid-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2010 dwar il-prestazzjoni tal-bini fl-użu tal-enerġija (8). L-obbligu f'din id-Direttiva li l-bini tal-gvern ċentrali ġenerali jiġi rinnovat jikkomplementa dik id-Direttiva, li teżiġi li l-Istati Membri jiżguraw li meta l-bini eżistenti jiġi rinnovat drastikament, il-prestazzjoni tal-enerġija tiegħu tiġi aġġornata sabiex jissodisfa r-rekwiżiti minimi tal-prestazzjoni tal-enerġija. Għandu jkun possibbli li l-Istati Membri jieħdu miżuri kosteffiċjenti alternattivi biex iwettqu titjib ekwivalenti tal-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini fil-proprjetà tal-gvern ċentrali tagħhom. L-obbligu li tiġi rinovata l-art tal-bini tal-gvern ċentrali għandu japplika għad-dipartimenti amministrattivi li l-kompetenza tagħhom hija estiża fuq it-territorju kollu ta' Stat Membru. Meta fi Stat Membri partikolari u minħabba kompetenza partikolari ma jkun jeżisti l-ebda tali dipartiment amministrattiv rilevanti li jkopri t-territorji kollu, l-obbligu għandu japplika għal dawk id-dipartimenti amministrattivi li kompetenzi tagħhom ikopru b'mod kollettiv it-territorju kollu.

(18)

Għadd ta' muniċipalitajiet u ta' korpi pubbliċi oħrajn fl-Istati Membri diġà stabbilixxew approċċi integrati għall-iffrankar tal-enerġija u għall-provvista tal-enerġija, pereżempju permezz ta' pjani ta' azzjoni għall-enerġija sostenibbli, bħal dawk li ġew żviluppati taħt l-inizjattiva tal-Patt tas-Sindki, u approċċi urbani integrati li jmorru lil hinn minn interventi individwali fil-bini jew fil-mezzi ta' trasport. L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu lill-muniċipalitajiet u lil korpi pubbliċi oħrajn sabiex jadottaw pjani integrati u sostenibbli għall-effiċjenza fl-enerġija b'għanijiet ċari, sabiex jinvolvu liċ-ċittadini fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tagħhom u sabiex jinformawhom b'mod adegwat dwar il-kontenut u l-progress tagħhom biex jintlaħqu l-għanijiet. Dawn il-pjani jistgħu jipproduċu ffrankar konsiderevoli ta' enerġija, speċjalment jekk jiġu implimentati permezz ta' sistemi ta' ġestjoni tal-enerġija li jippermettu li l-korpi pubbliċi kkonċernati jiġġestixxu aħjar il-konsum tal-enerġija tagħhom. L-iskambju tal-esperjenzi bejn il-bliet u korpi pubbliċi oħrajn għandu jkun inkoraġġit fir-rigward tal-esperjenzi iktar innovattivi.

(19)

Fir-rigward tax-xiri ta' ċerti prodotti u servizzi u fir-rigward tax-xiri u l-kiri tal-bini, il-gvernijiet ċentrali li jikkonkludu kuntratti ta' xogħlijiet pubbliċi, ta' provvista jew ta' servizz għandhom imexxu bl-eżempju u jieħdu deċiżjonijiet ta' xiri effiċjenti fl-enerġija. Dan għandu japplika għad-dipartimenti amministrattivi li l-kompetenza tagħhom hija estiża fuq it-territorju kollu ta' Stat Membru. Meta fi Stat Membri partikolari u minħabba kompetenza partikolari ma jkun jeżisti l-ebda tali dipartiment amministrattiv rilevanti li jkopri t-territorji kollu, l-obbligu għandu japplika għal dawk id-dipartimenti amministrattivi li kompetenzi tagħhom ikopru b'mod kollettiv it-territorju kollu. Id-dispożizzjonijiet tad-direttivi tal-Unjoni dwar l-akkwist pubbliku madankollu ma għandhomx ikunu affettwati. Għal prodotti oħrajn minbarra dawk koperti mir-rekwiżiti għall-effiċjenza fl-enerġija għax-xiri f'din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu lill-korpi pubbliċi biex jieħdu kont tal-effiċjenza fix-xiri tal-enerġija.

(20)

Valutazzjoni tal-possibbiltà li tiġi stabbilita skema ta' “ċertifikati bojod” fuq il-livell tal-Unjoni wriet li, fis-sitwazzjoni kurrenti, sistema ta' din ix-xorta toħloq spejjeż amministrattivi eċċessivi u li hemm riskju li l-iffrankar tal-enerġija jkun ikkonċentrat f'għadd ta' Stati Membri u ma jiġix introdott fl-Unjoni kollha. L-objettiv ta' tali skema fil-livell tal-Unjoni jista' jintlaħaq aħjar, għall-inqas f'dan l-istadju, permezz ta' skemi nazzjonali ta' obbligi ta' effiċjenza fl-enerġija għal utilitajiet tal-enerġija, jew miżuri ta' politika alternattivi oħra li jilħqu l-istess ammont ta' ffrankar tal-enerġija. Huwa xieraq għal-livell ta' ambizzjoni ta' skemi ta' din ix-xorta li dawn ikunu stabbiliti f'qafas komuni fuq il-livell tal-Unjoni filwaqt li tkun ipprovduta flessibbiltà sinifikanti lill-Istati Membri sabiex tkun ikkunsidrata b'mod sħiħ l-organizzazzjoni nazzjonali tal-atturi tas-suq, il-kuntest speċifiku tas-settur tal-enerġija u d-drawwiet tal-klijenti aħħarin. Il-qafas komuni għandu jagħti lill-utilitajiet tal-enerġija l-għażla li s-servizzi ta' enerġija jiġu offruti lill-klijenti aħħarin kollha, mhux biss lil dawk li huma jbigħulhom l-enerġija. Dan iżid il-kompetizzjoni fis-suq tal-enerġija għaliex l-utilitajiet tal-enerġija jistgħu jiddifferenzjaw il-prodott tagħhom billi jipprovdu servizzi ta' enerġija komplementari. Il-qafas komuni għandu jippermetti wkoll li l-Istati Membri jinkludu fl-iskema nazzjonali tagħhom rekwiżiti li jkollhom għan soċjali, b'mod partikolari sabiex ikun żgurat li l-klijenti vulnerabbli jkollhom aċċess għall-benefiċċji ta' effiċjenza fl-enerġija ogħla. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw, abbażi ta' kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji, liema distributuri tal-enerġija jew kumpanniji li jbiegħu l-enerġija fil-livell tal-konsum għandu jkollhom l-obbligu li jilħqu l-mira stabbilita minn din id-Direttiva tal-iffrankar tal-enerġija fl-użu finali.

L-Istati Membri għandhom ikunu permessi b'mod partikolari jitħallew ma jimponux dan l-obbligu fuq distributuri żgħar tal-enerġija, kumpanniji żgħar li jbiegħu l-enerġija fil-livell tal-konsum u setturi tal-enerġija żgħar biex jiġi evitat piż amministrattiv sproporzjonat. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Ġunju 2008 tistabbilixxi prinċipji li għandhom jitqiesu mill-Istati Membri li jiddeċiedu li jastjenu milli japplikaw din il-possibbiltà. Bħala mezz biex jiġu appoġġati inizjattivi nazzjonali għall-effiċjenza fl-enerġija, il-partijiet obbligati taħt skemi nazzjonali ta' obbligi għall-effiċjenza fl-enerġija jistgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom billi kull sena jikkontribwixxu lill-Fond Nazzjonali għall-Effiċjenza fl-Enerġija ammont ugwali għall-investimenti meħtieġa taħt din l-iskema.

(21)

Minħabba l-imperattiv ġenerali li terġa' tiġi stabbilita s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi u tal-konsolidazzjoni fiskali, fl-implimentazzjoni ta' miżuri partikolari li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, għandha tingħata attenzjoni debita għall-kosteffettività fil-livell tal-Istat Membru tal-implimentazzjoni ta' miżuri ta' effiċjenza fl-enerġija abbażi ta' livell xieraq ta' analiżi u evalwazzjoni.

(22)

Ir-rekwiżit li jsir iffrankar fil-bejgħ annwali tal-enerġija lill-klijenti aħħarin relattiv għal kemm kien ser ikun hemm bejgħ tal-enerġija ma jikkostitwixxix limitu fuq il-bejgħ jew il-konsum tal-enerġija. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jeskludu l-bejgħ tal-enerġija kollu jew parzjali, skont il-volum, użat fl-attivitajiet industrijali elenkati fl-Anness I għad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità (9) biex jiġi kkalkulat il-bejgħ tal-enerġija lill-klijenti aħħarin, billi huwa rikonoxxut li ċerti setturi jew sottosetturi f'dawn l-attivitajiet jistgħu jkunu esposti għal riskju sinifikanti ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju. Huwa xieraq li l-Istati Membri jkunu konxji mill-ispejjeż tal-iskemi biex ikunu jistgħu jivvalutaw b'mod preċiż l-ispejjeż tal-miżuri.

(23)

Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti fl-Artikolu 7 u bil-ħsieb li jiġi llimitat il-piż amministrattiv, kull Stat Membru jista' jirragruppa l-miżuri ta' politika individwali kollha biex jimplimenta l-Artikolu 7 fi programm ta' effiċjenza fl-enerġija nazzjonali komprensiv.

(24)

Sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal ta' ffrankar tal-enerġija f'ċerti segmenti tas-suq fejn il-verifiki tal-enerġija ġeneralment ma jiġux offruti b'mod kummerċjali (bħall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs)), l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw programmi biex jinkoraġġixxu lill-SMEs biex jiġu soġġetti għal verifiki tal-enerġija. Il-verifiki tal-enerġija għandhom ikunu obbligatorji u regolari għall-intrapriżi l-kbar, peress li l-iffrankar tal-enerġija jista' jkun sinifikanti. Il-verifiki tal-enerġija għandhom jieħdu kont tal-Istandards Ewropej jew Internazzjonali, bħall-EN ISO 50001 (Sistemi tal-Ġestjoni tal-Enerġija), jew EN 16247-1 (Verifiki tal-enerġija) jew jekk jinkludu verifika tal-enerġija, EN ISO 14000 (Sistemi tal-Ġestjoni Ambjentali) u għaldaqstant ikunu wkoll konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Anness VI ta' din id-Direttiva peress li dawn id-dispożizzjonijiet ma jmorrux lil hinn mir-rekwiżiti ta' dawn l-istandards rilevanti. Standard Ewropew speċifiku dwar il-verifiki tal-enerġija qed jiġi attwalment żviluppatverifiki tal-enerġija.

(25)

Fejn verifiki tal-enerġija jitwettqu minn esperti interni, l-indipendenza meħtieġa tirrikjedi li dawn l-esperti ma jkunux involuti direttament fl-attività verifikata.

(26)

Meta jitfasslu miżuri għat-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija, għandhom jitqiesu ż-żidiet fl-effiċjenza u l-iffrankar miksuba permezz tal-applikazzjoni mifruxa ta' innovazzjonijiet teknoloġiċi kosteffettivi bħall-arloġġi intelliġenti. Fejn ikunu ġew installati arloġġi intelliġenti, huma m'għandhomx jintużaw minn kumpanniji għall-kontijiet b'lura mhux ġustifikati.

(27)

Fir-rigward tal-elettriku, u f'konformità mad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku (10), fejn l-introduzzjoni tal-arloġġi intelliġenti tiġi vvalutata b'mod pożittiv, mill-inqas 80 % tal-konsumaturi għandu jkollhom sistemi ta' arloġġi intelliġenti sal-2020. Fir-rigward tal-gass, u f'konformità mad-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali (11), fejn l-introduzzjoni ta' sistemi ta' arloġġi intelliġenti tiġi vvalutata b'mod pożittiv, l-Istati Membri jew kwalunkwe awtorità kompetenti li jagħżlu għandhom iħejju skeda ta' żmien għall-implimentazzjoni ta' sistemi ta' arloġġi intelliġenti.

(28)

L-użu ta' arloġġi individwali jew allokaturi tal-ispiża għat-tisħin għall-kejl tal-konsum individwali tat-tisħin f'bini b'għadd ta' appartamenti li għandu provvista ta' tisħin distrettwali jew tisħin ċentrali komuni huwa ta' benefiċċju meta l-klijenti aħħarin ikollhom mezz biex jikkontrollaw il-konsum individwali tagħhom. Għaldaqstant, l-użu tagħhom jagħmel sens biss f'bini fejn ir-radjaturi jkollhom valvijiet tar-radjaturi termostatiċi.

(29)

F'xi bini b'aktar minn appartament wieħed ipprovvdut b'tisħin distrettwali jew tisħin ċentrali komuni, l-użu ta' arloġġi individwali tat-tisħin preċiżi jkun teknikament ikkomplikat u ta' spiża għolja minħabba l-fatt li l-misħun użat għat-tisħin jidħol u joħroġ mill-appartamenti f'bosta punti. Wieħed jista' jassumi li l-kejl individwali tal-konsum tat-tisħin f'bini b'aktar minn appartament wieħed huwa, madankollu, teknikament possibbli meta l-installazzjoni ta' arloġġi individwali ma tkunx tirrikjedi l-bidla tal-pajpijiet eżistenti fil-bini għat-tisħin tal-misħun fil-bini. F'bini bħal dan, il-kejl tal-konsum individwali tas-sħana mbagħad jista' jitwettaq permezz ta' allokaturi individwali tal-ispiża għat-tisħin installati fuq kull radjatur.

(30)

Id-Direttiva 2006/32/KE tirrikjedi lill-Istati Membri li jiżguraw li l-klijenti aħħarin jiġu pprovduti b'arloġġi individwali bi prezzijiet kompetittivi li jirriflettu bi preċiżjoni l-konsum tal-enerġija attwali tagħhom u jipprovdu informazzjoni dwar il-ħin attwali tal-użu. Fil-maġġoranza tal-każijiet, dan ir-rekwiżit huwa soġġett għall-kondizzjonijiet li huwa għandu jkun teknikament possibbli, finanzjarjament raġonevoli, u proporzjonali fir-rigward tal-iffrankar potenzjali tal-enerġija. Meta ssir konnessjoni f'bini ġdid jew bini jsirulu rinnovazzjonijiet kbar, kif iddefinit fid-Direttiva 2010/31/UE, dawn l-arloġġi individwali dejjem għandhom, madankollu, ikunu pprovduti. Id-Direttiva 2006/32/KE tirrikjedi wkoll li għandhom jiġu pprovduti kontijiet ċari, f'intervalli frekwenti biżżejjed, ibbażati fuq il-konsum attwali, biex jippermettu lill-konsumaturi jirregolaw l-użu enerġetiku tagħhom stess.

(31)

Id-Direttivi 2009/72/KE u 2009/73/KE jirrikjedu li l-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni ta' sistemi ta' arloġġi intelliġenti biex jassistu l-parteċipazzjoni attiva tal-konsumaturi fis-swieq ta' provvista tal-elettriku u l-gass. Fir-rigward tal-elettriku, fejn l-introduzzjoni ta' arloġġii intelliġenti tinsab li hija kost-effettiva, mill-anqas 80 % tal-konsumaturi għandhom ikunu atrezzati b'sistemi ta' arloġġi intelliġenti sal-2020. Fir-rigward tal-gass naturali, ma ngħatat ebda skadenza iżda hija meħtieġa t-tħejjija ta' skeda taż-żmien. Dawk id-Direttivi jiddikjaraw ukoll li l-klijenti aħħarin għandhom ikunu infurmati kif suppost dwar il-konsum u l-ispejjeż attwali tal-elettriku/il-gass spiss biżżejjed biex jippermettilhom jirregolaw il-konsum tagħhom stess.

(32)

L-impatt tad-dispożizzjonijiet dwar is-sistemi tal-arloġġi u tal-kontjiet fid-Direttivi 2006/32/KE, 2009/72/KE u 2009/73/KE fuq l-iffrankar tal-enerġija kien limitat. F'ħafna partijiet tal-Unjoni, dawn id-dispożizzjonijiet ma wasslux biex il-klijenti jirċievu informazzjoni aġġornata dwar il-konsum tal-enerġija tagħhom, lanqas kontijiet ibbażati fuq il-konsum attwali fi frekwenza li l-istudji juru li huma meħtieġa biex jippermettu lill-klijenti jirregolaw l-użu enerġetiku tagħhom. Fis-setturi tat-tisħin tal-ispazju u l-ilma sħun f'bini b'diversi appartamenti, in-nuqqas ta' ċarezza ta' dawn id-dispożizzjonijiet ukoll wassal għal bosta lmenti miċ-ċittadini.

(33)

Sabiex tisaħħaħ il-pożizzjoni tal-klijenti aħħarin fir-rigward tal-aċċess għall-informazzjoni mill-arloġġi u l-kontijiet għall-konsum tal-enerġija individwali tagħhom, waqt li jitqiesu l-opportuniajiet assoċjati mal-proċess tal-implimentazzjoni ta' sistemi ta' arloġġi intelliġenti u l-introduzzjoni ta' arloġġi intelliġenti fl-Istati Membri, huwa importanti li r-rekwiżiti tal-liġi tal-Unjoni jiġu ċċarati. Dan għandu jgħin biex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-implimentazzjoni ta' sistemi ta' arloġġi intelliġenti mgħammra b'funzjonijiet li jtejbu l-iffrankar tal-enerġija u li jappoġġaw l-iżvilupp ta' swieq għas-servizzi tal-enerġija u ġestjoni tal-provvista. L-implimentazzjoni ta' sistemi ta' arloġġi intelliġenti tippermetti kontijiet frekwenti abbażi ta' konsum attwali. Madankollu, hemm anke l-ħtieġa li jiġu kkjarifikati r-rekwiżiti għall-aċċess għall-informazzjoni u l-kontijiet ġusti u preċiżi bbażati fuq il-konsum attwali f'każijiet fejn il-arloġġi intelliġenti ma jkunux disponibbli sal-2020, inkluż f'rabta mal-arloġġi u l-kontijiet ta' konsum individwali ta' tisħin, tkessiħ u ilma sħun f'bini b'diversi appartamenti pprovduti mis-sistema distrettwali tat-tisħin/tkessiħ jew is-sistema ta' tisħin komuni proprja installata f'dan it-tip ta' bini.

(34)

Meta jfasslu miżuri għat-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija, l-Istati Membri għandhom iqisu l-ħtieġa li jiżguraw il-funzjonament korrett tas-suq intern u l-implimentazzjoni koerenti tal-acquis, skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(35)

Koġenerazzjoni u tisħin u tkessiħ distrettwali b'effiċjenza għolja għandhom potenzjal sinifikanti biex tiġi ffrankata l-enerġija primarja li fil-parti l-kbira mhuwiex sfruttat fl-Unjoni. L-Istati Membri għandhom iwettqu valutazzjoni komprensiva tal-potenzjal għal koġenerazzjoni u tisħin u tkessiħ distrettwali b'effiċjenza għolja. Dawn il-valutazzjonijiet għandhom jiġu aġġornati, fuq talba mill-Kummissjoni, sabiex l-investituri jkunu pprovduti b'informazzjoni dwar il-pjani ta' żvilupp nazzjonali u jingħata kontribut sabiex jissawwar ambjent għal investimenti stabbli u ta' appoġġ. L-installazzjonijiet il-ġodda tal-ġenerazzjoni tal-elettriku u l-installazzjonijiet eżistenti li huma sostanzjalment rinnovati jew li l-permess jew il-liċenzja tagħhom ġew aġġornati għandhom, soġġett għal analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji li turi eċċess ta' spejjeż u benefiċċji, ikunu mgħammra b'unitajiet ta' koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja sabiex tiġi rkuprata s-sħana mitlufa li ġejja mill-produzzjoni tal-elettriku. Din is-sħana mitlufa mbagħad tista' tiġi ttrasportata fejn tkun meħtieġa permezz ta' netwerks ta' tisħin distrettwali. Il-ġrajjiet li jwasslu biex jiġi applikat rekwiżit għal kriterji ta' awtorizzazzjoni ġeneralment ikunu ġrajjiet li jwasslu wkoll għal rekwiżiti għal permessi skont id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (12) u għall-awtorizzazzjoni skont id-Direttiva 2009/72/KE.

(36)

Jista' jkun xieraq li installazzjonijiet tal-enerġija nukleari, jew installazzjonijiet tal-ġenerazzjoni tal-elettriku li huma maħsuba biex jagħmlu użu mill-ħażna ġeoloġika permessa taħt id-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-dijossidu tal-karbonju (13), jitqiegħdu f'postijiet fejn l-irkupru tas-sħana mitlufa permezz ta' koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja jew bil-provvista ta' netwerk ta' tisħin u tkessiħ distrettwali ma jkunx kosteffettiv. Għaldaqstant l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jeżentaw dawk l-installazzjonijiet mill-obbligu li jwettqu analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji biex jipprovdu lill-installazzjoni b'tagħmir li jippermetti l-irkupru tas-sħana mitlufa permezz ta' unità għall-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja. Għandu jkun ukoll possibbli li jiġu eżentati installazzjonijiet tal-ġenerazzjoni tal-elettriku għall-ħinijiet tal-ogħla konsum u għall-użu f'każ ta' bżonn li huma ppjanati li joperaw għal anqas minn 1 500 siegħa ta' operazzjoni kull sena bħala medja inizjali fuq perijodu ta' ħames snin mir-rekwiżit li jipprovdu wkoll is-sħana.

(37)

Huwa xieraq li l-Istati Membri jħeġġu l-introduzzjoni ta' miżuri u proċeduri għall-promozzjoni tal-installazzjonijiet ta' koġenerazzjoni b'input termali kklassifikat totali ta' inqas minn 20 MW sabiex iħeġġu ġenerazzjoni ta' enerġija mqassma.

(38)

Il-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja għandha tkun iddefinita permezz tal-iffrankar tal-enerġija miksub minn produzzjoni kkombinata minflok minn produzzjoni separata ta' sħana u ta' elettriku. Id-definizzjonijiet ta' koġenerazzjoni u ta' koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja użati fil-leġislazzjoni tal-Unjoni għandhom ikunu migħajr preġudizzju għall-użu ta' definizzjonijiet differenti fil-leġislazzjoni nazzjonali għal finijiet oħrajn għajr dawk tal-leġislazzjoni tal-Unjoni inkwistjoni. Sabiex ikun massimizzat l-iffrankar tal-enerġija u jkun evitat li jintilfu opportunitajiet għall-iffrankar tal-enerġija, għandha tingħata l-ikbar attenzjoni lill-kundizzjonijiet operattivi tal-unitajiet ta' koġenerazzjoni.

(39)

Sabiex tiżdied it-trasparenza għall-klijent aħħari sabiex ikun jista' jagħżel bejn elettriku minn koġenerazzjoni u elettriku prodott b'tekniki oħrajn, l-oriġini tal-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja għandha tkun iggarantita fuq il-bażi ta' valuri ta' referenza għall-effiċjenza armonizzati. L-iskemi tal-garanziji tal-oriġini minnhom infushom ma jimplikawx dritt li wieħed jibbenefika minn mekkaniżmi ta' appoġġ nazzjonali. Huwa importanti li l-forom kollha ta' elettriku prodotti minn koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja jkunu jistgħu jiġu koperti b'garanziji tal-oriġini. Għandha ssir distinzjoni bejn garanziji tal-oriġini u ċertifikati li jistgħu jiġu skambjati.

(40)

L-istruttura speċifika tas-setturi tal-koġenerazzjoni u tat-tisħin u tat-tkessiħ distrettwali, li tinkludi bosta produtturi żgħar u ta' daqs medju, għandha tkun ikkunsidrata speċjalment meta jiġu eżaminati l-proċeduri amministrattivi sabiex jinkiseb permess ħalli tinbena kapaċità ta' koġenerazzjoni jew netwerks assoċjati, b'applikazzjoni tal-prinċipju “L-Ewwel Aħseb fiż-Żgħir”.

(41)

Il-biċċa l-kbira tan-negozji tal-Unjoni huma SMEs. Huma jirrappreżentaw potenzjal enormi ta' ffrankar tal-enerġija għall-Unjoni. Sabiex jiġu mgħejuna jadottaw miżuri għall-effiċjenza fl-enerġija, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu qafas favorevoli bil-għan li l-SMEs jingħataw assistenza teknika u informazzjoni mmirata.

(42)

Id-Direttiva 2010/75/UE tinkludi l-effiċjenza fl-enerġija fost il-kriterji sabiex jiġu ddeterminati l-Aħjar Tekniki Disponibbli li għandhom iservu ta' referenza sabiex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet tal-permessi għall-installazzjonijiet li jaqgħu fl-ambitu tagħha, inklużi l-installazzjonijiet ta' kombustjoni b'input termali kklassifikat totali ta' 50 MW jew iktar. Madankollu, dik id-Direttiva tagħti lill-Istati Membri l-għażla li ma jimponux rekwiżiti relatati mal-effiċjenza fl-enerġija fuq unitajiet ta' kombustjoni jew unitajiet oħrajn li jemettu d-dijossidu tal-karbonju fis-sit, għall-attivitajiet elenkati fl-Anness I għad-Direttiva 2003/87/KE. L-Istati Membri jistgħu jinkludu informazzjoni dwar il-livelli ta' effiċjenza tal-enerġija fir-rappurtar tagħhom taħt id-Direttiva 2010/75/UE.

(43)

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu, fuq il-bażi ta' kriterji oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji, regoli li jikkontrollaw is-sostenn u l-kondiviżjoni tal-ispejjeż tal-konnessjonijiet mal-grilja u tat-tisħiħ tal-grilja kif ukoll għall-adattamenti tekniċi meħtieġa għall-integrazzjoni tal-produtturi l-ġodda tal-elettriku prodott minn koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, b'kunsiderazzjoni għal-linji gwida u l-kodiċijiet żviluppati skont ir-Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-netwerk għall-iskambji transkonfinali fl-elettriku (14)u r-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-netwerks ta' trasmissjoni tal-gass naturali (15). Il-produtturi tal-elettriku ġġenerat minn koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja għandhom jitħallew joħorġu sejħa għall-offerti għax-xogħol tal-konnessjoni. L-aċċess għas-sistema tal-grilja għal elettriku prodott minn koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, speċjalment għal unitajiet ta' skala żgħira u ta' mikrokoġenerazzjoni, għandu jiġi ffaċilitat. Skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72/KE u l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/73/KE, l-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi ta' servizz pubbliku, inklużi dawk relatati mal-effiċjenza fl-enerġija, fuq l-impriżi li jaħdmu fis-setturi tal-elettriku u tal-gass.

(44)

Ir-risposta għad-domanda hija strument importanti għat-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija, minħabba li din iżżid b'mod sinifikanti l-opportunitajiet għall-konsumaturi jew partijiet terzi nominati minnhom biex jieħdu azzjoni dwar l-informazzjoni rigward il-konsum u l-fattura u b'hekk tipprovdi mekkaniżmu biex jitnaqqas jew jitmexxa l-konsum li jirriżulta fl-iffrankar tal-enerġija kemm fil-konsum finali kif ukoll, permezz tal-użu aktar ottimali ta' netwerks u assi ta' ġenerazzjoni, fil-ġenerazzjoni, it-trasmissjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija.

(45)

Ir-risposta għad-domanda tista' tkun ibbażata fuq ir-risposti tal-klijenti aħħarin għas-sinjali tal-prezzijiet jew fuq il-bini tal-awtomazzjoni. Il-kondizzjonijiet u l-aċċess għar-risposta għad-domanda għandhom jitjiebu, inkluż għall-konsumaturi aħħarin żgħar. Għaldaqstant, u b'kont meħud tal-istazzjonament kontinwu ta' grilji intelliġenti, l-Istati Membri għandhom għalhekk jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-enerġija jkunu jistgħu jiżguraw li t-tariffi u r-regolamenti tan-netwerks jagħtu inċentiva għat-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija u jappoġġaw prezzijiet dinamiċi għal miżuri dwar rispota għad-domanda mill-klijenti aħħarin. Għandha ssir integrazzjoni tas-swieq u jkun hemm opportunitajiet ugwali ta' dħul fis-swieq għar-riżorsi fuq in-naħa tad-domanda (tagħbijiet tal-provvista u tal-konsumatur) flimkien mal-ġenerazzjoni. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-enerġija jieħdu approċċ integrat li jinkludi l-iffrankar potenzjali fil-provvista tal-enerġija u s-setturi ta' użu finali.

(46)

Għandu jkun disponibbli għadd suffiċjenti ta' professjonisti affidabbli li jkunu kompetenti fil-qasam tal-effiċjenza fl-enerġija sabiex tkun żgurata l-implimentazzjoni effettiva u f'waqtha ta' din id-Direttiva, pereżempju fir-rigward tal-konformità mar-rekwiżiti dwar il-verifiki tal-enerġija u l-implimentazzjoni tal-iskemi tal-obbligi tal-effiċjenza fl-enerġija. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu skemi ta' ċertifikazzjoni għall-fornituri tas-servizzi ta' enerġija, għall-verifiki tal-enerġija u għal miżuri oħrajn għat-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija.

(47)

Jeħtieġ li jitkompla l-iżvilupp tas-suq għas-servizzi ta' enerġija sabiex tkun żgurata d-disponibbiltà kemm tad-domanda kif ukoll tal-provvista tas-servizzi ta' enerġija. It-trasparenza, pereżempju permezz ta' listi ta' fornituri ta' servizzi ta' enerġija, tista' tikkontribwixxi għal dan. Il-kuntratti mudell, l-iskambju tal-aħjar prattiki u l-linji gwida, b'mod partikolari għall-kuntratti għall-prestazzjoni tal-enerġija, jistgħu wkoll jgħinu sabiex jingħata stimolu lid-domanda. L-istess bħal f'forom oħrajn ta' arranġamenti ta' finanzjament ma' partijiet terzi, f'kuntratt għall-prestazzjoni tal-enerġija, il-benefiċjarju tas-servizz ta' enerġija għandu jevita l-ispejjeż ta' investiment billi juża parti mill-valur finanzjarju tal-iffrankar tal-enerġija biex iħallas lura l-investiment li tkun għamlet totalment jew parzjalment parti terza.

(48)

Hemm ħtieġa li jiġu identifikati u mneħħija l-ostakli regolatorji u mhux regolatorji għall-użu tal-ikkuntrattar għall-prestazzjoni tal-enerġija u ta' arranġamenti ta' finanzjament ma' partijiet terzi għall-iffrankar tal-enerġija oħrajn. Dawn l-ostakoli jinkludu regoli u prattika tal-kontabbiltà li ma jippermettux li l-investimenti kapitali u l-iffrankar finanzjarju annwali li jirriżulta minn miżuri għal titjib tal-effiċjenza fl-enerġija jkunu riflessi b'mod adegwat fil-kontabbiltà għall-perijodu ta' żmien kollu tal-investiment. L-ostakli għar-rinovazzjoni tal-istokk tal-bini eżistenti bbażati fuq qsim tal-inċentivi bejn l-atturi differenti kkonċernati għandhom ukoll jiġu indirizzati fuq il-livell nazzjonali.

(49)

L-Istati Membri u r-reġjuni għandhom jiġu inkoraġġiti jagħmlu użu sħiħ mill-Fondi Strutturali u mill-Fond ta' Koeżjoni sabiex jagħtu lok għal investimenti f'miżuri għal titjib tal-effiċjenza fl-enerġija. L-investiment fl-effiċjenza fl-enerġija għandu l-potenzjal li jagħti kontribut għat-tkabbir ekonomiku, għall-impjiegi, għall-innovazzjoni u għat-tnaqqis tal-faqar tal-fjuwil fid-djar, u b'hekk jagħti kontribut pożittiv għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. L-oqsma potenzjali għal finanzjament jinkludu l-miżuri għall-effiċjenza fl-enerġija fil-bini u fl-akkomodazzjoni pubbliċi, u li jkunu pprovduti ħiliet ġodda sabiex ikunu promossi l-impjiegi fis-settur tal-effiċjenza fl-enerġija.

(50)

L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-użu tal-faċilitajiet ta' finanzjament biex jilħqu l-objettivi ta' din id-Direttiva. Dawn il-faċilitajiet ta' finanzjament jistgħu jinkludu kontribuzzjonijiet finanzjarji u multi meta ma jitwettqux ċerti dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva; riżorsi allokati għall-effiċjenza fl-enerġija skont l-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2003/87/KE; riżorsi allokati għall-effiċjenza fl-enerġija fil-qafas finanzjarji pluriennali, b'mod partikolari l-fondi ta' koeżjoni u ta' żvilupp strutturali u rurali, u strumenti finanzjarji Ewropej dedikati, bħall-Fond Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika.

(51)

Tali faċilitajiet jistgħu jkunu bbażati, fejn applikabbli, fuq riżorsi allokati għall-effiċjenza fl-enerġija mill-bonds tal-proġetti tal-Unjoni; riżorsi allokati għall-effiċjenza fl-enerġija mill-Bank Ewropew tal-Investiment u instituzzjonijiet finanzjarji Ewropej oħrajn, b'mod partikolari l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp u l-Bank ta' Żvilupp tal-Kunsill tal-Ewropa; riżorsi ingranati f'istituzzjonijiet finanzjarji; riżorsi naturali, inkluż permezz tal-ħolqien ta' oqfsa regolatorji u fiskali li jinkoraġġixxu l-implimentazzjoni tal-inizjattivi u l-programmi dwar l-effiċjenza fl-enerġija; dħul minn allokazzjonijiet annwali ta' emissjonijiet skont id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE.

(52)

Il-faċilitajiet ta' finanzjament jistgħu b'mod partikolari jużaw dawn il-kontribuzzjonijiet, riżorsi u dħul biex jippermettu u jinkoraġġixxu l-investiment kapitali privat, b'mod partikolari permezz ta' investituri istituzzjonali, filwaqt li jintużaw kriterji li jiżguraw li jintlaħqu kemm l-objettivi ambjentali kif ukoll dawk soċjali għall-għoti ta' fondi; jużaw mekkaniżmi innovattivi ta' finanzjament (pereżempju garanziji fuq self għall-kapital privat, garanziji fuq self għat-trawwim tal-kuntrattar għall-prestazzjoni tal-enerġija, għotjiet, self sussidjat u linji ta' kreditu dedikati, sistemi ta' finanzjament minn partijiet terzi) li jnaqqsu r-riskji tal-proġetti dwar l-effiċjenza fl-enerġija u jippermetti rinovazzjonijiet kost-effettivi saħansitra fost il-familji bi dħul baxx u medju; ikunu marbutin ma' programmi jew aġenziji li jaggregaw u jivvalutaw il-kwalità tal-proġetti tal-iffrankar tal-enerġija, jipprovdu assistenza teknika, jippromwovu s-suq tas-servizzi tal-enerġija u jgħinu fil-ġenerazzjoni tad-domanda tal-konsumaturi għal servizzi tal-enerġija.

(53)

Il-faċilitajiet ta' finanzjament jistgħu jipprovdu wkoll riżorsi xierqa għall-appoġġ tal-programmi ta' taħriġ u ċertifikazzjoni li jtejbu u jakkreditaw il-ħiliet għall-effiċjenza fl-enerġija; jipprovdu riżorsi għal riċerka dwar u d-dimostrazzjoni u l-aċċellerazzjoni tal-istabbiliment ta' teknoloġija fuq skala żgħira u mikro għall-ġenerazzjoni tal-enerġija u l-ottimizzazzjoni tal-konnessjonijiet ta' dawn il-ġeneraturi mal-grilja; ikunu marbutin mal-programmi li jieħdu azzjoni fil-promozzjoni tal-effiċjenza fl-enerġija fid-djar kollha biex jiġi prevenut il-faqar tal-enerġija u sidien-il kera li jikru d-djar jiġu stimolati biex jagħmlu l-proprjetà tagħhom effiċjenti kemm jista' jkun fl-enerġija; jipprovdu riżorsi xierqa għall-appoġġ tad-djalogu soċjali u stabbiliment ta' standards bl-għan li titjieb l-effiċjenza fl-enerġija u jiġu żgurati kondizzjonijiet tajbin ta' xogħol u sigurtà u saħħa fuq il-post tax-xogħol.

(54)

L-istrumenti finanzjarji u l-mekkaniżmi innovattivi ta' finanzjament disponibbli tal-Unjoni għandhom jintużaw biex jitpoġġa fil-prattika l-għan li tittejjeb il-prestazzjoni fl-użu tal-enerġija fil-bini ta' korpi pubbliċi. F'dak ir-rigward, l-Istati Membri jistgħu jużaw id-dħul tagħhom mill-allokazzjonijiet annwali ta' emissjonijiet skont id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE fl-iżvilupp ta' tali mekkaniżmi fuq bażi volontarja u filwaqt li jqisu r-regoli baġitarji nazzjonali.

(55)

Fl-implimentazzjoni tal-mira ta' 20 % effiċjenza fl-enerġija, il-Kummissjoni ser ikollha timmonitorja l-impatt tal-miżuri l-ġodda fuq id-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi d-direttiva tal-UE tal-iskambju tal-emissjonjiet (ETS) sabiex iżżomm l-inċentivi fis-sistema tal-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet li jippremjaw l-investimenti b'livelli ta' karbonju baxxi u tipprepara lis-setturi tal-ETS għall-innovazzjonijiet meħtieġa fil-futur. Jeħtieġ li hija timmonitorja l-impatt fuq dawk is-setturi industrijali li jkunu esposti għal riskju sinifikanti ta' rilokazzjoni tal-karbonju kif determinat fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/2/UE tal- 24 ta’ Diċembru 2009 li tiddetermina, skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, lista ta’ setturi u subsetturi meqjusa li huma esposti għal riskju sinifikanti ta’ rilaxx tal-karbonju (16), sabiex jiġi żgurat li din id-Direttiva tippromwovi l-iżvilupp ta' dawn is-setturi u mhux tfixkilhom.

(56)

Id-Direttiva 2006/32/KE teżiġi li l-Istati Membri jadottaw, u jkollhom l-għan li jilħqu, mira indikattiva nazzjonali totali ta' ffrankar tal-enerġija ta' 9 % sal-2016, li għandha tintlaħaq billi jintużaw is-servizzi ta' enerġija u miżuri oħrajn għat-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija. Dik id-Direttiva tgħid li t-tieni Pjan għall-Effiċjenza fl-enerġija adottat mill-Istati Membri għandu jiġi segwit, kif ikun xieraq u fejn ikun meħtieġ, minn proposti tal-Kummissjoni għal miżuri addizzjonali, inkluża l-estensjoni tal-perijodu ta' applikazzjoni tal-miri. Jekk rapport jikkonkludi li ma sarx biżżejjed progress sabiex jintlaħqu l-miri indikattivi nazzjonali stabbiliti minn dik id-Direttiva, dawn il-proposti għandhom jindirizzaw il-livell u n-natura tal-miri. Il-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja lil din id-Direttiva tgħid li l-Istati Membri qegħdin fit-triq it-tajba sabiex jilħqu l-mira ta' 9 %, li hija sostanzjalment inqas ambizzjuża mill-mira għall-iffrankar tal-enerġija ta' 20 % sal-2020 li ġiet adottata sussegwentement, u għalhekk ma hemmx għalfejn jiġi indirizzat il-livell tal-miri.

(57)

Il-programm Enerġija Intelliġenti-Ewropa stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 2006 li tistabbilixxi Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007 sa 2013) (17) kien strumentali għall-ħolqien ta' ambjent ta' possibbiltajiet għall-implimentazzjoni adegwata tal-linji ta' politika tal-enerġija sostenibbli tal-Unjoni, billi jitneħħew l-ostakoli tas-suq bħas-sensibilizzazzjoni insuffiċjenti u l-kapaċità tal-atturi tas-suq u l-istituzzjonijiet, l-ostakoli tekniċi nazzjonali jew amministrattivi għall-funzjonament adegwat tas-suq intern tal-enerġija jew is-swieq tax-xogħol sottożviluppati biex jaffaċċjaw l-isfida ta' ekonomija b'livell baxx ta' karbonju. Bosta minn dawk l-ostakoli għadhom rilevanti.

(58)

Sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal ta' ffrankar tal-enerġija konsiderevoli tal-prodotti relatati mal-enerġija, l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (18) u d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2010 dwar l-indikazzjoni permezz ta’ ttikkettar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-enerġija (19) għandha tkun aċċellerata u mwessgħa. Għandha tingħata prijorità lill-prodotti li joffru l-ogħla potenzjal ta' ffrankar tal-enerġija kif identifikat mill-Pjan ta' Ħidma dwar l-Ekodisinn u r-reviżjoni, fejn adegwat, tal-miżuri eżistenti.

(59)

Sabiex jiġu ċċarati l-kondizzjonijiet li taħthom l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu rekwiżiti tal-prestazzjoni tal-enerġija skont id-Direttiva 2010/31/UE filwaqt li jirrispettaw id-Direttiva 2009/125/KE u l-miżuri ta' implimentazzjoni tagħha, id-Direttiva 2009/125/KE għandha tiġi emendata kif meħtieġ.

(60)

Peress li l-għan ta' din id-Direttiva, jiġifieri li sal-2020 tintlaħaq il-mira għall-effiċjenza fl-enerġija tal-Unjoni ta' 20 % u titwitta t-triq lejn iktar titjib fl-effiċjenza fl-enerġija lil hinn mill-2020, ma jistax jintlaħaq b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri mingħajr ma jieħdu miżuri addizzjonali ta' effiċjenza fl-enerġija, u jista' jintlaħaq aħjar fuq il-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif inhu stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif inhu stabbilit f'dak l-Artikolu, id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex tilħaq dak l-għan.

(61)

Sabiex ikun jista' jsir l-adattament għall-progress tekniku u l-bidliet fid-distribuzzjoni tas-sorsi tal-enerġija, is-setgħa tal-adozzjoni tal-atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tar-rieżami tal-valuri ta' riferiment tal-effiċjenza armonizzati stipulati abbażi tad-Direttiva 2004/8/KE u fir-rigward tal-valuri, il-metodi ta' kalkolu, il-koeffiċjent awtomatiku tal-enerġija primarja u r-rekwiżiti fl-Annessi għal din id-Direttiva. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni tagħmel konsultazzjonijiet xierqa waqt ix-xogħol ta' tħejjija tagħha, inkluż ma' esperti. Il-Kummissjoni, meta tkun qiegħda tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura trasmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(62)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, għandhom jingħataw setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (20).

(63)

Id-dispożizzjonijiet sostantivi kollha tad-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE għandhom jiġu rrevokati, ħlief l-Artikolu 4(1) sa (4) u l-Annessi I, III u IV tad- Direttiva 2006/32/KE. Dawk id-dispożizzjonijiet tal-aħħar għandhom jibqgħu japplikaw sal-iskadenza biex tintlaħaq il-mira ta' 9 %. L-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva 2010/30/UE, li jipprevedi obbligu għall-Istati Membri biss li jagħmlu ħilithom biex jakkwistaw prodotti li jkunu jappartjenu għall-ogħla klassi ta' effiċjenza fl-enerġija, għandhom jiġu mħassra.

(64)

L-obbligu li din id-Direttiva tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali għandu jkun limitat għal dawk id-dispożizzjonjiet li jirrappreżentaw bidla sostantiva meta pparagunati mad-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE. L-obbligu li jiġu trasposti d-dispożizzjonijiet li ma nbidlux jirriżulta taħt dawk id-Direttivi.

(65)

Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri relatati mal-limiti ta' żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u mal-applikazzjoni tad-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE.

(66)

F'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni tat-28 ta' Settembru 2011, l-Istati Membri ntrabtu li jakkumpanjaw, f'każijiet ġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom ma' dokument wieħed jew aktar li jispjega r-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti tat-traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta' din id-Direttiva, il-leġislatur jqis it-trasmissjoni ta' dawn id-dokumenti bħala ġustifikata,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

IS-SUĠĠETT, IL-KAMP TA' APPLIKAZZJONI, ID-DEFINIZZJONIJIET U L-MIRI GĦALL-EFFIĊJENZA FL-ENERĠIJA

Artikolu 1

Suġġett u Ambitu

1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas komuni ta' miżuri għall-promozzjoni tal-effiċjenza fl-enerġija fi ħdan l-Unjoni sabiex ikun żgurat li sal-2020 tintlaħaq il-mira ewlenija għall-effiċjenza fl-enerġija ta' 20 % u sabiex titwitta t-triq għal iktar titjib fl-effiċjenza fl-enerġija lil hinn minn dik id-data.

Hija tistabbilixxi regoli mfassla sabiex ineħħu l-ostakli fis-suq tal-enerġija u sabiex jegħlbu n-nuqqasijiet tas-swieq li jimpedixxu l-effiċjenza fil-provvista u fl-użu tal-enerġija, u tipprovdi sabiex ikunu stabbiliti miri nazzjonali indikattivi għall-effiċjenza fl-enerġija għall-2020.

2.   Ir-rekwiżiti stabbiliti f'din id-Direttiva huma rekwiżiti minimi u ma għandhom jipprevjenu lill-ebda Stat Membru milli jżomm jew jintroduċi miżuri iktar stretti. Tali miżuri għandhom ikunu kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni. Fejn il-leġislazzjoni nazzjonali tipprevedi miżuri aktar stretti, l-Istati Membru għandu jinnotifika tali leġislazzjoni lill-Kummissjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“enerġija” tfisser kull forma ta' prodotti tal-enerġija, karburanti kombustibbli, sħana, enerġija rinnovabbli, elettriku, jew kwalunkwe forma oħra ta' enerġija, kif iddefiniti fl-Artikolu 2(d) tar-Regolament (KE) Nru 1099/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 22 ta' Ottubru 2008 dwar l-istatistika dwar l-enerġija (21);

(2)

“konsum primarju tal-enerġija” tfisser il-konsum intern gross, esklużi l-użi mhux tal-enerġija;

(3)

“konsum finali tal-enerġija” tfisser l-enerġija kollha pprovduta lill-industrija, it-trasport, id-djar, is-servizzi u l-agrikoltura. Dan jeskludi l-konsenji lis-settur tat-trasformazzjoni tal-enerġija u l-industriji tal-enerġija fihom infushom;

(4)

“effiċjenza fl-enerġija” tfisser il-proporzjon bejn l-output ta' prestazzjoni, servizz, oġġetti jew enerġija, għall-input ta' enerġija;

(5)

“iffrankar tal-enerġija” tfisser ammont ta' enerġija frankata ddeterminat billi jitkejjel u/jew jiġi stmat il-konsum qabel u wara l-implimentazzjoni ta' miżura ta' titjib fl-effiċjenza fl-enerġija, filwaqt li tiġi żgurata n-normalizzazzjoni tal-kundizzjonijiet esterni li jaffettwaw il-konsum tal-enerġija;

(6)

“titjib fl-effiċjenza fl-enerġija” tfisser żieda fl-effiċjenza fl-enerġija b'riżultat ta' bidliet teknoloġiċi, fl-imġieba u/jew ekonomiċi;

(7)

“servizz tal-enerġija” tfisser il-benefiċċju fiżiku, l-utilità jew il-vantaġġ li jirriżulta minn kombinazzjoni ta' enerġija ma' teknoloġija jew azzjoni effiċjenti fl-użu tal-enerġija, li tista' tinkludi l-operazzjonijiet, il-manutenzjoni u l-kontroll meħtieġa biex jitwassal is-servizz, li jitwassal fuq il-bażi ta' kuntratt u li f'ċirkostanzi normali wera li jwassal għal titjib fl-effiċjenza fl-enerġija jew għal iffrankar tal-enerġija primarja li jista' jiġi vverifikat u mkejjel jew stmat;

(8)

“korpi pubbliċi” tfisser kull “awtorità kontraenti” kif iddefinit fid-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31ta' Marzu 2004 fuq koordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (22);

(9)

“gvern ċentrali” tfisser id-dipartimenti amministrattivi kollha li l-kompetenzi tagħhom jestendu fuq it-territorju kollu ta' Stat Membru;

(10)

“spazju totali ta’ art li tista' tintuża” tfisser id-daqs tal-ispazju tal-art ta' bini jew parti minn bini, fejn l-enerġija tintuża biex tikkondizzjona l-klima ta' ġewwa;

(11)

“sistema ta' ġestjoni tal-enerġija” tfisser sett ta' elementi interrelatati jew interattivi ta' pjan li jistabbilixxi għan ta' effiċjenza fl-enerġija u strateġija sabiex jintlaħaq dak il-għan;

(12)

“standard Ewropew” tfisser standard adottat mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni, il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika jew l-Istitut Ewropew tal-Istandards tat- Telekomunikazzjoni u magħmul disponibbli għall-użu pubbliku;

(13)

“Standard internazzjonali” tfisser standard adottat mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni u magħmul disponibbli għall-pubbliku;

(14)

“parti obbligata” tfisser distributur tal-enerġija jew il-kumpannija tal-bejgħ tal-enerġija fil-livell tal-konsum li hija marbuta bl-iskema nazzjonali ta' obbligi tal-effiċjenza fl-enerġija msemmija fl-Artikolu 7;

(15)

“parti inkarigata” tfisser entità legali b'setgħa ddelegata minn gvern jew korp pubbliku ieħor biex tiżviluppa, tmexxi jew tħaddem skema ta' finanzjament f'isem il-gvern jew korp pubbliku ieħor;

(16)

“parti parteċipanti” tfisser intrapriża jew korp pubbliku li impenja ruħu li jilħaq ċerti għanijiet taħt ftehim volontarju, jew huwa kopert minn strument regolatorju ta' politika nazzjonali;

(17)

“awtorità pubblika ta' implimentazzjoni” tfisser korp irregolat mil-liġi pubblika li hu responsabbli għat-twettiq jew il-monitoraġġ tat-tassazzjoni fuq l-enerġija jew il-karbonju, skemi u strumenti finanzjarji, inċentivi fiskali, standards u regoli, skemi ta' tikkettar tal-enerġija, taħriġ jew edukazzjoni;

(18)

“miżura ta' politika” tfisser strument ta' dispożizzjoni regolatorju, finanzjarju, fiskali, volontarju jew ta' informazzjoni formalment stabbilit u implimentat fi Stat Membru biex jinħoloq qafas ta' appoġġ, rekwiżit jew inċentiv għall-atturi tas-suq biex jipprovdu u jixtru servizzi ta' enerġija u biex jieħdu miżuri oħrajn għat-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija;

(19)

“azzjoni individwali” tfisser azzjoni li twassal għal titjib fl-effiċjenza fl-enerġija li jista' jiġi vverifikat, u li jista' jitkejjel jew jiġi stmat, u li titwettaq b'riżultat ta' mizura ta' politika;

(20)

“distributur tal-enerġija” tfisser persuna fiżika jew ġuridika, inkluż operatur tas-sistema ta' distribuzzjoni li hija responsabbli għall-kunsinna tal-enerġija, bil-għan li titwassal lil klijenti aħħarin jew lil stazzjonijiet ta' distribuzzjoni li jbiegħu l-enerġija lil klijenti aħħarin;

(21)

“operatur tas-sistema ta' distribuzzjoni” tfisser “operatur tas-sistema ta' distribuzzjoni” kif definit fid-Direttiva 2009/72/KE u d-Direttiva 2009/73/KE rispettivament;

(22)

“kumpanija tal-bejgħ tal-enerġija fil-livell tal-konsum” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tbigħ l-enerġija lil klijenti aħħarin;

(23)

“klijent aħħari” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tixtri l-enerġija għall-użu aħħari tagħha stess;

(24)

“fornitur ta' servizz tal-enerġija” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li twassal servizzi ta' enerġija jew miżuri oħrajn għal titjib tal-effiċjenza fl-enerġija f'faċilità jew f'bini ta' klijent aħħari;

(25)

“verifika tal-enerġija” tfisser proċedura sistematika bil-għan li jinkiseb għarfien adegwat tal-profil eżistenti tal-konsum tal-enerġija ta' bini jew ta' grupp ta' bini, ta' operazzjoni jew ta' installazzjoni industrijali jew kummerċjali jew ta' servizz privat jew pubbliku, li jidentifika u jikkwantifika opportunitajiet kosteffettivi għall-iffrankar tal-enerġija, u jirrapporta s-sejbiet;

(26)

“intrapriżi żgħar u ta' daqs medju” jew “SMEs” tfisser intrapriżi kif definit fit-Titolu I tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003 dwar id-definizzjoni tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (23); il-kategorija ta' intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju hija magħmula minn intrapriżi li jħaddmu inqas minn 250 persuna u li għandhom fatturat totali li ma jaqbiżx EUR 50 miljun, u/jew total tal-karta tal-bilanċ annwali li ma jaqbiżx EUR 43 miljun;

(27)

“kuntratt għall-prestazzjoni tal-enerġija” tfisser arranġament kuntrattwali bejn il-benefiċjarju u l-fornitur ta' miżura għal titjib tal-effiċjenza fl-enerġija, ivverifikata u sorveljata matul it-terminu kollu tal-kuntratt, fejn l-investimenti (ix-xogħol, il-provvista jew is-servizz) f'dik il-miżura isir ħlas għalihom b'rabta ma' livell ta' titjib tal-effiċjenza fl-enerġija miftiehem kuntrattwalment jew ma' kriterju ieħor miftiehem ta' prestazzjoni tal-enerġija, bħal iffrankar finanzjarju;

(28)

"sistema ta' arloġġi intelliġenti" tfisser sistema elettronika li tista' tkejjel il-konsum tal-enerġija, billi tipprovdi aktar informazzjoni minn arloġġ konvenzjonali, u jista' jittrasmetti d-data billi juża forma ta' komunikazzjoni elettronika.

(29)

“operatur tas-sistema ta' trasmissjoni” tfisser “operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni” kif definit fid-Direttiva 2009/72/KE u d-Direttiva 2009/73/KE rispettivament;

(30)

“koġenerazzjoni” tfisser il-ġenerazzjoni simultanja fi proċess wieħed ta' enerġija termali u ta' enerġija elettrika jew mekkanika;

(31)

“domanda ekonomikament ġustifikabbli” tfisser domanda li ma taqbiżx il-ħtiġijiet għat-tisħin jew għat-tkessiħ u li kieku tiġi sodisfatta f'kundizzjonijiet tas-suq minn proċessi ta' ġenerazzjoni tal-enerġija għajr il-koġenerazzjoni;

(32)

“sħana utli” tfisser sħana prodotta fi proċess ta' koġenerazzjoni biex tissodisfa domanda ekonomikament ġustifikabbli għal tisħin jew għal tkessiħ;

(33)

“elettriku minn koġenerazzjoni” tfisser elettriku ġġenerat fi proċess marbut mal-produzzjoni ta' sħana utli u kkalkulat skont il-metodoloġija stabbilità fl-Anness I;

(34)

“koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja” tfisser koġenerazzjoni li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Anness II;

(35)

“effiċjenza kumplessiva” tfisser is-somma annwali tal-produzzjoni tal-elettriku u tal-enerġija mekkanika u tal-output ta' sħana utli diviża bl-input ta' karburant użat għas-sħana prodotta fi proċess ta' koġenerazzjoni u bil-produzzjoni grossa tal-elettriku u tal-enerġija mekkanika;

(36)

“proporzjon tal-enerġija għas-sħana” tfisser il-proporzjon tal-elettriku mill-koġenerazzjoni għas-sħana utli meta t-tagħmir jopera f'modalità ta' koġenerazzjoni sħiħa fejn tintuża d-data operattiva tal-unità speċifika;

(37)

“unità ta' koġenerazzjoni” tfisser unità li tista' topera f'modalità ta' koġenerazzjoni;

(38)

“unità ta' koġenerazzjoni ta' skala żgħira” tfisser unità ta' koġenerazzjoni b' kapaċità installata taħt il-1 MWe;

(39)

“unità ta' mikrokoġenerazzjoni” tfisser unità ta' koġenerazzjoni b'kapaċità massima taħt il-50 kWe;

(40)

“proporzjon ta' biċċa art” tfisser il-proporzjon tal-erja tal-qiegħa tal-art għall-bini għall-erja tal-art f'territorju speċifikat;

(41)

“tisħin u tkessiħ distrettwali effiċjenti” tfisser sistema ta' tisħin jew ta' tkessiħ distrettwali li tuża mill-inqas 50 % enerġija rinnovabbli, 50 % sħana mitlufa, 75 % sħana koġenerata jew 50 % ta' kombinazzjoni ta' tali enerġija u sħana;

(42)

“tisħin u tkessiħ effiċjenti” tfisser alternattiva ta' tisħin u tkessiħ li meta mqabbla ma' xenarju bażiku li jirrifletti sitwazzjoni ta' negozju normali tnaqqas b'mod miżurabbli l-input ta' enerġija primarja meħtieġ biex tiġi pprovduta unità waħda ta' enerġija pprovduta fi ħdan konfini tas-sistema rilevanti b'mod kosteffettiv, kif ivvalutata fl-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji msemmija f'din id-Direttiva, b'kont meħud tal-enerġija meħtieġa għall-estrazzjoni, il-konverżjoni, it-trasport u d-distribuzzjoni;

(43)

“tisħin u tkessiħ individwali effiċjenti” tfisser alternattiva ta' provvista ta' tisħin u tkessiħ individwali li, meta mqabbla ma' tisħin u tkessiħ distrettwali effiċjenti, tnaqqas b'mod miżurabbli l-input ta' enerġija primarja mhux rinnovabbli meħtieġ biex tiġi pprovduta unità waħda ta' enerġija pprovduta fi ħdan konfini tas-sistema rilevanti jew teħtieġ l-istess input ta' enerġija primarja mhux rinnovabbli izda bi spiża aktar baxxa, b'kont meħud tal-enerġija meħtieġa għall-estrazzjoni, il-konverżjoni, it-trasport u d-distribuzzjoni;

(44)

“rinovazzjoni sostanzjali” tfisser rinovazzjoni li l-ispiża għaliha taqbeż il-50 % tal-ispiża tal-investiment għal unità ġdida komparabbli;

(45)

“aggregatur” tfisser fornitur ta' servizz li għalih hemm domanda li jgħaqqad tagħbijiet multipli ta' tul qasir tal-konsumaturi għall-bejgħ jew għall-bejgħ bl-irkant fis-swieq tal-enerġija organizzati.

Artikolu 3

Miri għall-effiċjenza tal-enerġija

1.   Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi mira nazzjonali indikattiva għall-effiċjenza fl-enerġija, abbażi tal-konsum tal-enerġija primarja jew finali, l-iffrankar tal-enerġija primarja jew finali, jew l-intensità tal-enerġija. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawk il-miri f'konformità mal-Artikolu 24(1) u l-Anness XIV Parti 1. Meta jagħmlu dan, huma għandhom jesprimu wkoll dawk il-miri f'termini ta' livell assolut ta' konsum primarju tal-enerġija u konsum finali tal-enerġija fl-2020 u għandhom jispjegaw kif, u abbażi ta' liema data, dan ġie kkalkulat.

Meta jistabbilixxu dawk il-miri, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont:

(a)

li l-konsum tal-enerġija tal-Unjoni sal-2020 għandu jkun ta' mhux aktar minn 1 474 Mtoe ta' enerġija primarja jew mhux aktar minn 1 078 Mtoe ta' enerġija finali;

(b)

tal-miżuri previsti f'din id-Direttiva;

(c)

tal-miżuri adottati biex jintlaħqu l-miri nazzjonali tal-iffrankar tal-enerġija adottati skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2006/32/KE;

(d)

ta' miżuri oħrajn biex tiġi promossa l-effiċjenza fl-enerġija fl-Istati Membri u fil-livell tal-Unjoni.

Meta jistabbilixxu dawk il-miri, l-Istati Membri jistgħu jieħdu kont ukoll taċ-ċirkostanzi nazzjonali li jaffettwaw il-konsum tal-enerġija primarja, bħal:

(a)

il-potenzjal li fadal biex tiġi ffrankata l-enerġija b'mod kosteffettiv;

(b)

l-evoluzzjoni u t-tbassir tal-PDG;

(c)

il-bidliet fl-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-enerġija;

(d)

l-iżvilupp tas-sorsi kollha ta' enerġiji rinnovabbli, l-enerġija nukleari, il-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju; u

(e)

l-azzjoni bikrija.

2.   Sat-30 ta' Ġunju 2014, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-progress miksub u jekk hux probabbli li l-Unjoni tikseb konsum tal-enerġija ta' mhux aktar minn 1 474 Mtoe ta' enerġija primarja u/jew mhux aktar minn 1 078 Mtoe ta' enerġija finali fl-2020.

3.   Fit-twettiq tar-reviżjoni imsemmija fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha:

(a)

tiġbor il-miri indikattivi nazzjonali tal-effiċjenza fl-enerġija rrapportati mill-Istati Membri;

(b)

tivvaluta jekk il-ġabra ta' dawk il-miri tistax titqies bħala gwida affidabbli għal jekk l-Unjoni kollha kemm hi hijiex qiegħda fit-triq it-tajba, filwaqt li tqis, l-evalwazzjoni tal-ewwel rapport annwali f'konformità mal-Artikolu 24(1), u l-evalwazzjoni tal-Pjani Nazzjonali ta' Azzjoni għall-Effiċjenza fl-enerġija f'konformità mal-Artikolu 24(2);

(c)

tieħu kont tal-analiżi komplementari li tirriżulta minn:

(i)

valutazzjoni tal-progress fil-konsum tal-enerġija assolut, u fil-konsum tal-enerġija skont l-attività ekonomika fil-livell tal-Unjoni, inkluż il-progress fl-effiċjenza tal-provvista tal-enerġija fl-Istati Membri li bbażaw il-miri indikattivi tagħhom fuq il-konsum finali tal-enerġija jew l-iffrankar finali tal-enerġija, inkluż il-progress bis-saħħa tal-konformità ta' dawn l-Istati Membri mal-Kapitolu III ta' din id-Direttiva;

(ii)

riżultati mill-eżerċizzji ta' mmudellar fir-rigward ta' xejriet futuri fil-konsum tal-enerġija fil-livell tal-Unjoni;

(d)

tqabbel ir-riżultati taħt il-punti (a) sa (c) mal-kwantità tal-konsum tal-enerġija li tinħtieġ biex jintlaħaq konsum tal-enerġija ta' mhux aktar minn 1 474 Mtoe ta' enerġija primarja u/jew mhux aktar minn 1 078 ta' enerġija finali fl-2020.

KAPITOLU II

L-EFFIĊJENZA FL-UŻU TAL-ENERĠIJA

Artikolu 4

Rinnovazzjoni tal-bini

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu strateġija fit-tul għall-mobilizzazzjoni tal-investiment fir-rinnovazzjoni tal-istokk nazzjonali ta' bini residenzjali u kummerċjali, kemm pubbliku kemm privat. Din l-istrateġija għandha tinkludi:

(a)

ħarsa ġenerali tal-istokk ta' bini nazzjonali bbażata, kif adegwat, fuq teħid ta' kampjuni statistiku;

(b)

identifikazzjoni ta' approċċi kosteffettivi għar-rinnovazzjonijiet relevanti għat-tip ta' bini u ż-żona klimatika;

(c)

linji ta' politika u miżuri biex jistimulaw rinnovazzjonijiet profondi tal-bini kosteffettivi, inklużi rinnovazzjonijiet profondi fi stadji;

(d)

perspettiva ta' proġettazzjonijiet li jħarsu 'l quddiem biex jiggwidaw deċiżjonijiet ta' investiment ta' individwi tal-bini, l-industriji u l-istituzzjonijiet finanzjarji;

(e)

stima bbażata fuq l-evidenza ta' ffrankar tal-enerġija u benefiċċji akbar mistennija.

L-ewwel verżjoni tal-istrateġija għandha tiġi ppubblikata sat-30 ta' April 2014 u aġġornata kull tliet snin wara dik id-data u ppreżentata lill-Kummissjoni bħala parti mill-Pjani ta' Azzjoni Nazzjonali għall-Effiċjenza fl-Enerġija.

Artikolu 5

Ir-rwol eżemplari tal-bini tal-korpi pubbliċi

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7 tad-Direttiva 2010/31/UE, kull Stat Membru għandu jiżgura li, mill-1 ta' Jannar 2014, tiġi rrinovata kull sena 3 % mill-erja totali tal-art tal-bini msaħħan u/jew imkessaħ li tkun il-proprjetà ta' u okkupata mill-gvern ċentrali tiegħu sabiex ikunu ssodisfati mill-inqas ir-rekwiżiti minimi tal-prestazzjoni tal-enerġija stabbiliti b'applikazzjoni tal-Artikolu 4 ta' d-Direttiva 2010/31/UE.

Ir-rata ta' 3 % għandha tiġi kkalkulata fuq l-erja totali tal-art tal-bini li jkollu erja totali ta' iktar minn 500 m2 ta' art utilizzabbli li tkun il-proprjetà ta' u okkupata mill-gvern ċentrali tal-Istat Membru kkonċernat li, fl-1 ta' Jannar ta' kull sena, ma tissodisfax ir-rekwiżiti minimi nazzjonali tal-prestazzjoni tal-enerġija stabbiliti b'applikazzjoni tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2010/31/UE. Dak il-limitu għandu jitnaqqas għal 250 m2 mid-9 ta' Lulju 2015.

Fejn Stat Membru jeħtieġ li l-obbligu li kull sena tiġi rinovata 3 % tal-erja totali tal-art jestendi għall-erja tal-art li hija proprjetà ta' u okkupata mid-dipartimenti amministrattivi f'livell taħt il-gvern ċentrali, ir-rata ta' 3 % għandha tiġi kkalkulata fuq l-erja totali tal-art tal-bini li jkollu erja totali ta' art utilizzabbli ta' iktar minn 500 m2 u, mid-9 ta' Lulju 2015, iktar minn 250 m2 li tkun il-proprjetà ta' u kkontrollatat mill-gvern ċentrali jew dawn id-dipartimenti amministrattivi tal-Istat Membru kkonċernat li, fl-1 ta' Jannar ta' kull sena, ma tissodisfax ir-rekwiżiti minimi nazzjonali tal-prestazzjoni tal-enerġija stabbiliti b'applikazzjoni tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2010/31/UE.

Meta jimplimentaw miżuri għar-rinovazzjoni komprensiva tal-bini tal-gvern ċentrali f'konformità mal-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jqisu l-bini inġenerali, inklużi l-pakkett finanzjarju, it-tagħmir, l-operazzjoni u l-manutenzjoni tal-bini.

L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-bini tal-gvern ċentrali bl-aktar prestazzjoni baxxa ta' enerġija jkun prijorità għall-miżuri dwar l-effiċjenza fl-enerġija, fejn dan ikun kosteffettiv u teknikament fattibbli.

2.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jistabbilixxux jew li ma japplikawx ir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 1 għall-kategoriji tal-bini li ġejjin:

(a)

bini uffiċjalment protett bħala parti minn ambjent magħżul, jew minħabba l-mertu arkitettoniku jew storiku speċjali tiegħu, sa fejn il-konformità ma' ċerti rekwiżiti minimi tal-prestazzjoni tal-enerġija tibdel b'mod inaċċettabli l-karattru jew l-apparenza tiegħu;

(b)

bini li hu proprjetà tal-forzi armati jew il-gvern ċentrali u li qed jintuża għal finijiet ta' difiża nazzjonali, iżda li mhux postijiet ta' għajxien singoli jew bini tal-uffiċċji tal-forzi armati u persunal ieħor impjegat mill-awtoritajiet tad-difiża nazzjonali;

(c)

bini użat bħala postijiet ta' qima u għal attivitajiet reliġjużi.

3.   Jekk Stat Membru jirrinova aktar minn 3 % tal-erja totali tal-art tal-bini tal-gvern ċentrali f'sena speċifika, huwa jista'jgħodd mar-rata annwali ta' rinovazzjoni kwalunkwe waħda mit-tliet snin preċedenti jew sussegwenti.

4.   L-Istati Membri jistgħu jgħoddu mar-rata tar-rinovazzjoni annwali ta' bini tal-gvern ċentrali bini ġdid okkupat u li huwa proprjetà bħala sostitut għal bini speċifiku li jkun twaqqa' f'waħda mis-sentejn preċedenti, jew bini li jkun inbiegħ, li twaqqa' jew li m'għadux jintuża f'xi waħda mis-sentejn preċedenti minħabba użu aktar intensiv ta' bini ieħor.

5.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, sal-31 ta' Diċembru 2013, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jagħmlu pubblikament disponibbli inventarju ta' bini tal-gvern ċentrali imsaħħan u/jew imkessaħ b'art utilizzabbli ta' daqs totali ta' aktar minn 500 m2 u, mid-9 ta' Lulju 2015, ta' aktar minn 250 m2, bl-esklużjoni ta' bini eżentat abbażi tal-paragrafu 2. L-inventarju għandu jkollu fih id-data li ġejja:

(a)

l-erja tal-art f'm2; u

(b)

il-prestazzjoni tal-enerġija ta' kull binja jew data rilevanti dwar l-enerġija.

6.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7 tad-Direttiva 2010/31/UE, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu approċċ alternattiv għall-paragrafi 1 sa 5 ta' dan l-Artikolu, fejn huma jieħdu miżuri kosteffettivi oħrajn, inklużi rinovazzjonijiet profondi u miżuri għal bidla fl-imġiba tal-okkupanti, sabiex sal-2020 jiksbu ammont ta' ffrankar tal-enerġija f'bini eliġibbli li huwa l-proprjetà ta' u okkupat mill-gvern ċentrali tagħhom li jkun mill-inqas ekwivalenti għal dak meħtieġ fil-paragrafu 1, rappurtat fuq bażi annwali.

Għall-finijiet ta l-approċċ alternattiv, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu stima tal-iffrankar tal-enerġija ġġenerat mill-paragrafi 1 sa 4 billi jużaw valuri standard xierqa għall-konsum tal-enerġija ta' bini ta' riferiment tal-gvern ċentrali qabel u wara r-rinovazzjoni u skont l-istimi tas-superfiċje tal-istokk tagħhom. Il-kategoriji ta' bini ta' riferiment tal-gvern ċentrali għandhom jirrappreżentaw l-istokk ta' tali bini tal-gvern ċentrali.

L-Istati Membri li jagħżlu l-approċċ alternattiv għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, sal-31 ta' Diċembru 2013, dwar il-miżuri alternattivi li biħsiebhom jadottaw, filwaqt li juru kif se jiksbu titjib ekwivalenti fil-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini li huwa proprjetà tal-gvern ċentrali.

7.   L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu lill-korpi pubbliċi, inkluż fil-livell reġjonali u lokali, u lill-korpi ta' akkomodazzjoni soċjali rregolati mid-dritt pubbliku, b' konsiderazzjoni debita għall-kompetenzi u l-istruttura amministrattiva rispettivi tagħhom, biex:

(a)

jadottaw pjan għall-effiċjenza fl-enerġija, awtonomu jew bħala parti minn pjan usa' għall-klima jew għall-ambjent, li jkun fih għanijiet u azzjonijiet speċifiċi għall-iffrankar u l-effiċjenza fl-enerġija, bil-ħsieb li jsegwi r-rwol eżemplari tal-bini tal-gvern ċentrali stabbilit fil-paragrafi 1, 5 u 6;

(b)

jistabbilixxu sistema ta' ġestjoni tal-enerġija, inklużi verifiki tal-enerġija, bħala parti mill-implimentazzjoni tal-pjan tagħhom;

(c)

jużaw, fejn xieraq, kumpanniji ta' servizzi tal-enerġija, u kuntrattar tal-prestazzjoni tal-enerġija għall-finanzjament tar-rinovazzjonijiet u l-implimentazzjoni tal-pjani għall-manutenzjoni jew it-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija fit-tul.

Artikolu 6

Xiri minn korpi pubbliċi

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-gvernijiet ċentrali jixtru biss prodotti, servizzi u bini bi prestazzjoni għolja fl-effiċjenza enerġetika, dment li dak ikun konsistenti mal-kost-effettività, il-fattibilità ekonomika, is-sostenibilità aktar wiesgħa, l-adattabbiltà teknika kif ukoll kompetizzjoni suffiċjenti, kif imsemmi fl-Anness III.

L-obbligu stabbilit fl-ewwel subparagrafu għandu japplika għal kuntratti għax-xiri ta' prodotti, servizzi u bini minn korpi pubbliċi sa fejn tali kuntratti jkollhom valur ugwali għal jew akbar mil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/18/KE.

2.   L-obbligu msemmi fil-paragrafu 1 għandu japplika għall-kuntratti tal-forzi armati, biss safejn l-applikazzjoni tiegħu ma toħloqx konflitt man-natura u l-għan primarji tal-attivitajiet tal-forzi armati. L-obbligu ma għandux japplika għat-tagħmir militari kif iddefinit mid-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta' ċerti kuntratti ta' xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà (24).

3.   L-Istati Membri għandhom iħeġġu l-korpi pubbliċi, inkluż fil-livell reġjonali u lokali, b'rispett dovut għall-kompetenzi rispettivi u l-istruttura amministrattiva tagħhom, biex isegwu r-rwol eżemplari tal-gvernijiet ċentrali tagħhom biex jixtru biss prodotti, servizzi u bini bi prestazzjoni għolja tal-effiċjenza fl-enerġija. L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu lill-korpi pubbliċi, meta jinħarġu offerti għal kuntratti ta' servizzi b'kontenut sinifikanti ta' enerġija, biex jivvalutaw il-possibbiltà li jiġu konklużi kuntratti ta' prestazzjoni tal-enerġija fit-tul li jipprovdu ffrankar tal-enerġija fit-tul.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, meta jinxtara pakkett ta' prodotti kopert kollu mill-att iddelegat adottat taħt id-Direttiva 2010/30/UE, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li l-effiċjenza aggregata tal-enerġija għandha tieħu prijorità fuq l-effiċjenza fl-enerġija tal-prodotti individwali f'dak il-pakkett, bix-xiri tal-pakkett ta' prodotti li jikkonforma mal-kriterju li jappartjeni għall-ogħla klassi ta' effiċjenza fl-enerġija.

Artikolu 7

L-iskemi tal-obbligi tal-effiċjenza l-użu tal-enerġija

1.   Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi skema waħda ta' obbligi ta' effiċjenza fl-enerġija. Dik l-iskema għandha tiżgura li d-distributuri tal-enerġija u/jew il-kumpanniji tal-bejgħ tal-enerġija fil-livell tal-konsum li huma nnominati bħala partijiet obbligati skont il-paragrafu 4 li joperaw fit-territorju ta' kull Stat Membru jiksbu mira kumulattiva ta' effiċjenza fl-użu finali tal-enerġija jew iffrankar fl-enerġija sal-31 ta' Diċembru 2020, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2.

Dik il-mira għandha tkun mill-inqas ekwivalenti għall-kisba ta' ffrankar ġdid kull sena mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020 ta' 1,5 % tal-bejgħ annwali tal-enerġija, bil-volum, lil klijenti aħħarin tad-distributuri kollha tal-enerġija jew tal-kumpanniji kollha li jbiegħu l-enerġija fil-livell tal-konsum, bil-medja kkalkulata fuq il-perijodu ta' tliet snin l-aktar reċenti qabel l-1 ta' Jannar 2013. Il-bejgh tal-enerġija, bil-volum, użata fit-trasport jista' jiġi parzjalment jew kompletament eskluż minn dan il-kalkolu.

L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif il-kwantità kkalkulata tal-iffrankar ġdid msemmija fit-tieni subparagrafu għandha tinfirex fuq il-perijodu.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, kull Stat Membru jista':

(a)

jagħmel il-kalkolu meħtieġ mit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 bl-użu tal- valuri ta' 1 % fl-2014 u l-2015; 1,25 % fl-2016 u l-2017; u ta' 1,5 % fl-2018, l-2019 u l-2020;

(b)

jeskludi mill-kalkolu parti mill-bejgħ jew il-bejgħ kollu, bil-volum, tal-enerġija użata f'attivitajiet industrijali elenkati fl-Anness I għad-Direttiva 2003/87/KE;

(c)

jippermetti li l-iffrankar tal-enerġija miksub fis-setturi tat-trasformazzjoni, id-distribuzzjoni u t-trasmissjoni tal-enerġija, inkluża infrastruttura ta' tisħin u tkessiħ effiċjenti tad-distretti, b'riżultat tal-implimentazzjoni tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 14(4), il-punt (b) tal-Artikolu 14(5) u l-Artikolu 15(1) sa (6) u (9) li għandhom jingħaddu mal-ammont ta' ffrankar tal-enerġija meħtieġ skont il-paragrafu 1; u

(d)

jgħodd l-iffrankar tal-enerġija li jirriżulta minn azzjonijiet individwali li għadhom kemm ġew implimentati mill-31 ta' Diċembru 2008 li jkun għad għandu impatt fl-2020 u li jista' jitkejjel u jiġi vverifikat, mal-ammont ta' ffrankar tal-enerġija msemmi fil-paragrafu 1.

3.   L-applikazzjoni tal-paragrafu 2 m'għandhiex twassal għal tnaqqis ta' aktar minn 25 % tal-ammont ta' ffrankar tal-enerġija msemmi fil-paragrafu 2. L-Istati Membri li jużaw il-paragrafu 2 għandhom jinnotifikaw dak il-fatt lill-Kummissjoni sal-5 ta' Ġunju 2014, inklużi l-elementi elenkati taħt il-paragrafu 1a li għandhom jiġu applikati u kalkolu li juri l-impatt tagħhom fuq l-ammont ta' ffrankar tal-enerġija msemmi fil-paragrafu 1.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-kalkolu tal-iffrankar tal-enerġija għall-mira skont it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, kull Stat Membru għandu, għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, jinnomina, abbażi ta' kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji, partijiet obbligati fost id-distributuri tal-enerġija u/jew kumpanniji li jbiegħu l-enerġija fil-livell tal-konsum li joperaw fit-territorju tiegħu u dawn jistgħu jinkludu distributuri tal-karburant għat-trasport jew bejjiegħa fil-livell tal-konsum tal-karburant għat-trasport li joperaw fit-territorju tiegħu. L-ammont ta' ffrankar tal-enerġija biex jiġi ssodisfat l-obbligu għandu jinkiseb mill-partijiet obbligati fost il-klijenti aħħarin, nominati, kif xieraq, mill-Istat Membru, indipendentement mill-kalkolu magħmul fil-paragrafu 1, jew, jekk l-Istati Membri jiddeċiedu hekk, permezz ta' ffrankar iċċertifikat li jkun ġej minn partijiet oħra kif deskritt fil-punt (b) tal-paragrafu 5.

5.   L-Istati Membri għandhom jesprimu l-ammont ta' ffrankar tal-enerġija meħtieġ minn kull parti obbligata f'termini jew ta' konsum finali tal-enerġija jew ta' konsum primarju tal-enerġija. Il-metodu magħżul biex jiġi espress l-ammont mitlub ta' ffrankar tal-enerġija għandu jintuża wkoll sabiex jiġi kkalkulat l-iffrankar sostnut mill-partijiet obbligati. Għandhom japplikaw il-fatturi ta' konverżjoni stabbiliti fl-Anness IV.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iffrankar li jirriżulta mill-paragrafi 1, 2 u 9 ta' dan l-Artikolu u l-Artikolu 20(6) jiġi kkalkulat f'konformità mal-punti (1) u (2) tal-Anness V. Huma għandhom jistabbilixxu sistemi ta' kejl, kontroll u verifika fejn mill-inqas jiġi vverifikat proporzjon statistikament sinifikanti u kampjun rappreżentattiv tal-miżuri għal titjib tal-effiċjenza fl-enerġija stabbiliti mill-partijiet obbligati. Dak il-kejl, kontroll u verifika għandhom jitwettqu indipendentament mill-partijiet obbligati.

7.   Fl-iskema ta' obbligi ta' effiċjenza fl-enerġija, l-Istati Membri jistgħu:

(a)

jinkludu rekwiżiti b'għan soċjali fl-obbligi ta' ffrankar li jimponu huma, inkluż billi jeżiġu li proporzjon tal-miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija jiġi implimentat bħala prijorità fi djar affettwati mill-faqar fl-enerġija jew fl-akkomodazzjoni soċjali;

(b)

iħallu lill-partijiet obbligati jgħoddu mal-obbligu tagħhom l-iffrankar ċertifikat ta' enerġija miksub minn fornituri ta' servizzi ta' enerġija jew partijiet terzi oħrajn, inkluż meta partijiet obbligati jippromwovu miżuri permezz ta' korpi oħrajn approvati mill-istat jew permezz ta' awtoritajiet pubbliċi li jistgħu jkunu jinvolvu jew ma jinvolvux sħubijiet formali u jistgħu jkunu kkombinati ma' sorsi oħra ta' finanzjament. Fejn l-Istati Membri hekk jippermettu, huma għandhom jiżguraw li jkun stabbilit proċess ta' approvazzjoni li jkun ċar, trasparenti u miftuħ għall-atturi kollha tas-suq, u jkollu l-għan li jimminimizza l-ispejjeż taċ-ċertifikazzjoni;

(c)

jħallu l-partijiet obbligati jgħoddu l-iffrankar miksub f'sena partikolari bħallikieku nkiseb fi kwalunkwe waħda mill-erba' snin preċedenti jew mit-tliet snin sussegwenti.

8.   Darba fis-sena, l-Istati Membri għandhom jippubblikaw l-iffrankar tal-enerġija miksub minn kull parti obbligata, jew kull sottokategorija ta' parti obbligata, u b'kollox taħt l-iskema.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-partijiet obbligati jipprovdu, fuq talba:

(a)

l-informazzjoni statistika aggregata dwar il-klijenti aħħarin tagħhom (fejn jiġu identifikati l-bidliet sinifikanti fl-informazzjoni li tkun tressqet qabel); u

(b)

l-informazzjoni kurrenti dwar il-konsum tal-klijenti aħħarin, inkluż, fejn dan ikun applikabbli, il-profili tat-tagħbijiet (load profiles), is-segmentazzjoni tal-klijenti u l-lokalità ġeografika tal-klijenti, filwaqt li jiġu ppreservati l-integrità u l-kunfidenzjalità ta' data privata jew kummerċjalment sensittiva, f'konformità mal-liġi applikabbli tal-Unjoni.

Tali rikjesta ma għandhiex issir aktar minn darba f'sena.

9.   Bħala alternattiva għall-istabbiliment ta' skema ta' obbligi tal-effiċjenza enerġetika skont il-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jieħdu miżuri ta' politika oħra biex jiksbu l-iffrankar fl-enerġija fost il-klijenti aħħarin, ladarba dawk il-miżuri ta' politika jilħqu l-kriterji stabbiliti fil-paragrafi 10 u 11. L-ammont annwali ta' ffrankar ġdid tal-enerġija permezz ta' dan l-approċċ għandu jkun ekwivalenti għall-ammont ta' ffrankar ġdid ta' enerġija meħtieġ mill-paragrafi 1, 2 u 3. Dment li tinżamm l-ekwivalenza, l-Istati Membri jistgħu jikkombinaw skemi ta' obbligu ma' miżuri ta' politika alternattivi, inklużi programmi nazzjonali tal-effiċjenza fl-enerġija.

Il-miżuri ta' politika msemmija fl-ewwel subparagrafu jistgħu jinkludu, iżda mhumiex ristretti għall-miżuri ta' politika li ġejjin jew kombinazzjonijiet tagħhom:

(a)

taxxi fuq l-enerġija jew il-karbonju li jkollhom l-effett li jnaqqsu l-konsum finali tal-enerġija;

(b)

skemi u strumenti ta' finanzjament jew inċentivi fiskali li jwasslu għall-applikazzjoni ta' teknoloġija jew tekniki effiċjenti fl-użu tal-enerġija u li jkollhom l-effett li jnaqqsu l-konsum finali tal-enerġija;

(c)

regolamenti jew ftehimiet volontarji li jwasslu għall-applikazzjoni ta' teknoloġija jew tekniki effiċjenti fl-użu tal-enerġija u li jkollhom l-effett li jnaqqsu l-konsum finali tal-enerġija;

(d)

standards u regoli li għandhom l-għan li jtejbu l-effiċjenza fl-enerġija ta' prodotti u servizzi, inklużi bini u vetturi, għajr meta dawn ikunu obbligatorji u applikabbli fl-Istati Membri skont il-liġi tal-Unjoni;

(e)

skemi ta' tikkettar tal-enerġija, bl-eċċezzjoni ta' dawk li jkunu obbligatorji u applikabbli fl-Istati Membri skont il-liġi tal-Unjoni;

(f)

it-taħriġ u l-edukazzjoni, inklużi programmi konsultattivi dwar l-enerġija, li jwasslu għall-applikazzjoni ta' teknoloġija jew tekniki effiċjenti fl-użu tal-enerġija u li jkollhom l-effett li jnaqqsu l-konsum finali tal-enerġija.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, sal-5 ta' Diċembru 2013, dwar il-miżuri ta' politika li huma qed jippjanaw li jadottaw għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu u tal-Artikolu 20(6), skont il-qafas li jinsab fil-punt (4) tal-Anness V, filwaqt li juru kif ser jilħqu l-ammont ta' ffrankar meħtieġ. Fil-każ ta' miżuri ta' politika msemmijin fit-tieni subparagrafu u fl-Artikolu 20(6), din in-notifika għandha turi kif il-kriterji fil-paragrafu 10 qed jiġu ssodisfati. Fil-każ ta' miżuri ta' politika minbarra dawk imsemmijin fit-tieni subparagrafu jew fl-Artikolu 20(6), l-Istati Membri għandhom jispjegaw kif jinkiseb livell ekwivalenti ta' ffrankar, monitoraġġ u verifika. Il-Kummissjoni tista' tagħti suġġerimenti għall-modifiki fit-tliet xhur wara n-notifika.

10.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 11, il-kriterji għall-miżuri ta' politika meħudin skont it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 9 u l-Artikolu 20(6) għandhom ikunu kif ġej:

(a)

il-miżuri ta' politika jipprevedu mill-inqas żewġ perijodi intermedji sal-31 ta' Diċembru 2020 u jwasslu għall-kisba tal-livell ta' ambizzjoni kif stipulat fil-paragrafu 1;

(b)

tiġi ddefinita r-responsabbiltà ta' kull parti inkarigata, parti parteċipanti jew awtorità pubblika ta' implimentazzjoni, skont liema tkun rilevanti;

(c)

l-iffrankar ta' enerġija li għandu jintlaħaq jiġi ddeterminat b'mod trasparenti;

(d)

l-ammont ta' ffrankar ta' enerġija meħtieġ jew li għandu jintlaħaq mill-miżura ta' politika jiġi espress fil-konsum finali tal-enerġija jew primarja, bl-użu tal-fatturi ta' konverżjoni fl-Anness IV;

(e)

l-iffrankar tal-enerġija jiġi kkalkulat bl-użu tal-metodi u l-prinċipji previsti fil- punti (1) u (2) tal-Anness V;

(f)

l-iffrankar tal-enerġija jiġi kkalkulat bl-użu tal-metodi u l-prinċipji previsti fil-punt 3 tal-Anness V;

(g)

rapport annwali tal-iffrankar tal-enerġija miksub jiġi pprovdut mill-partijiet parteċipanti dment li jkun fattibbli u jsir disponibbli pubblikament;

(h)

jiġi żgurat il-monitoraġġ tar-riżultati u jiġu previsti miżuri xierqa jekk il-progress ma jkunx sodisfaċenti;

(i)

tiġi stabbilita sistema ta' kontroll li tinkludi wkoll il-verifika indipendenti ta' proporzjon statistikament sinifikanti tal-miżuri għat-titjib fl-effiċjenza fl-enerġija; u

(j)

kull sena tiġi ppubblikata data dwar ix-xejra annwali ta' ffrankar tal-enerġija.

11.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-taxxi msemmijin fil- punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 9, jikkonformaw mal-kriterji elenkati fil-punti (a), (b), (c), (d), (f), (h) u (j) tal-paragrafu 10.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-regolamenti u l-ftehimiet volontarji msemmijin fil- punt (c) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 9, jikkonformaw mal-kriterji elenkati fil-punti (a), (b), (c), (d), (e), (g), (h), (i) u (j) tal-paragrafu 10.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri ta' politika oħrajn imsemmijin fit-tieni subparagrafu tal-Paragrafu 9 u l-Fondi Nazzjonali għall-Effiċjenza fl-Enerġija msemmijin fl-Artikolu 20(6) jikkonformaw mal-kriterji elenkati fil-punti (a), (b), (c), (d), (e), (h), (i) u (j) tal-paragrafu 10.

12.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta jkun hemm duplikazzjoni fl-impatt ta' miżuri ta' politika jew azzjonijiet individwali, ma jsirx għadd doppju ta' ffrankar tal-enerġija.

Artikolu 8

Il-verifiki tal-enerġija u s-sistemi ta' ġestjoni tal-enerġija

1.   L-Istati Membri għandhom jippromwovu d-disponibbiltà lill-klijenti aħħarin kollha ta' verifiki tal-enerġija ta' kwalità għolja li huma kosteffettivi u

(a)

imwettqa b'mod indipendenti minn esperti kwalifikati u/jew akkreditati skont il-kriterji ta' kwalifikazzjoni; jew

(b)

implimentati u sorveljati minn awtoritajiet indipendenti taħt il-leġislazzjoni nazzjonali.

Il-verifiki tal-enerġija msemmijin fl-ewwel subparagrafu jistgħu jitwettqu minn esperti interni jew kontrolluri tal-enerġija dment li l-Istati Membru kkonċernat ikun stabbilixxa skema biex jiżgura u jivverifika l-kwalità tagħhom, inkluż, jekk xieraq, għażla annwali u għal għarrieda ta' mill-inqas perċentwali statistikament sinifikanti tal-kontrolli kollha tal-enerġija li huma jwettqu.

Għall-għan tal-garanzija ta' kwalità għolja tal-verifiki tal-enerġija u s-sistemi ta' ġestjoni tal-enerġija, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kriterji trasparenti u nondiskriminatorji minimi għall-verifiki tal-enerġija bbażati fuq l-Anness VI.

Il-verifiki tal-enerġija m'għandhomx jinkludu klawżoli li jipprevjenu s-sejbiet tal-verifika milli jiġu trasferiti lil xi fornitur ta' servizz tal-enerġija kwalifikat/akkreditat, bil-kondizzjoni li l-klijent ma joġġezzjonax.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw programmi biex jinkoraġġixxu ill-SMEs biex iwettqu verifiki tal-enerġija u l-implimentazzjoni sussegwenti tar-rakkomandazzjonijiet minn dawn il-verifiki.

Abbażi ta' kriterji trasparenti u nondiskriminatorji u mingħajr preġudizzju għal-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat tal-UE, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu skemi ta' appoġġ għall-SMEs, inkluż jekk dawn ikunu kkonkludew ftehimiet volontarji, biex ikopru l-ispejjeż ta' verifika tal-enerġija u tal-implimentazzjoni ta' rakkomandazzjonijiet kosteffettivi ħafna mill-verifiki tal-enerġija, jekk il-miżuri proposti jkunu implimentati.

L-Istati Membri għandhom jiġbdu l-attenzjoni tal-SMEs, inkluż permezz tal-organizzazzjonijiet intermedjarji rappreżentattivi rispettivi tagħhom, għal eżempji konkreti ta' kif is-sistemi ta' ġestjoni tal-enerġija jistgħu jgħinu lin-negozju tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tassisti lill-Istati Membri billi tappoġġa l-iskambji tal-aħjar prattika f'dan il-qasam.

3.   L-Istati Membri għandhom ukoll jiżviluppaw programmi biex iqajmu kuxjenza fost id-djar dwar il-benefiċċji ta' tali kontrolli permezz ta' servizzi xierqa ta' konsulenza.

L-Istati Membri għandhom iħeġġu programmi ta' taħriġ għall-kwalifika tal-awdituri tal-enerġija sabiex jiffaċilitaw disponibbiltà suffiċjenti ta' esperti.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-intrapriżi li mhumiex SMEs ikunu soġġetti għal verifika tal-enerġija li ssir b'mod indipendenti u kosteffettiv minn esperti kkwalifikati u/jew akkreditati jew implimentati u sorveljati minn awtoritajiet indipendenti skont il-leġislazzjoni nazzjonali sal-5 ta' Diċembru 2015 u tal-anqas kull erba' snin mid-data tal-verifika tal-enerġija preċedenti.

5.   Il-verifiki tal-enerġija għandhom jitqiesu li jissodisfaw ir-rekwiżiti għall-paragrafu 4 meta jitwettqu b'mod indipendenti, abbażi ta' kriterji minimi bbażati fuq l-Anness VI, u implimentati taħt ftehimiet volontarji konklużi bejn organizzazzjonijiet ta' partijiet interessati u korp maħtur u ssorveljat mill-Istat Membru kkonċernat, jew minn korpi oħrajn li lilhom l-awtoritajiet kompetenti ddelegaw ir-responsabbiltà kkonċernata, jew mill-Kummissjoni.

L-aċċess għall-parteċipanti fis-suq li joffru servizzi tal-enerġija għandu jkun ibbażat fuq kriterji trasparenti u nondiskriminatorji.

6.   Intrapriżi li mhumiex SMEs u li qed jimplimentaw sistema ta' ġestjoni ta' enerġija jew ambjentali - ċertifikata minn korp indipendenti konformement mal-Istandards Ewropej jew Internazzjonali rilevanti - għandhom ikunu eżenti mir-rekwiżiti tal-paragrafu 4, dment li l-Istati Membri jiżguraw li s-sistema ta' ġestjoni kkonċernata tinkludi verifika tal-enerġija abbażi tal-kriterji minimi bbażati fuq l-Anness VI.

7.   Il-verifiki tal-enerġija jistgħu jkunu awtonomi jew ikunu parti minn awditjar ambjentali iktar wiesa'. L-Istati Membri jistgħu ikunu jeħtieġu li valutazzjoni tal-fattibbiltà teknika u ekonomika tal-konnessjoni għal netwerk ippjanat jew eżistenti ta' tisħin jew tkessiħ distrettwali tkun parti mill-verifika tal-enerġija.

Mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, l-Istati Membri jistgħu jimplimentaw skemi li jinċentivaw u jappoġġaw l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet mill-verifiki tal-enerġija u miżuri simili.

Artikolu 9

Arloġġi

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, safejn huwa teknikament possibbli, raġonevoli mil-lat finanzjarju u proporzjonat fir-rigward tal-iffrankar potenzjali tal-enerġija, il-klijent aħħari tal-elettriku, tal-gass naturali, tat-tisħin u tat-tkessiħ distrettwali u tal-ilma sħun fid-djar jingħataw arloġġi individwali bi prezz kompettitiv li jirriflettu b'mod preċiż il-konsum finali ta' enerġija mill-klijent u li jagħtu informazzjoni dwar il-ħin reali tal-użu.

Tali arloġġi individwali bi prezz kompetittiv għandhom jiġu dejjem ipprovduti meta:

(a)

arloġġ eżistenti jinbidel, sakemm dan ma jkunx teknikament impossibbli jew ma jkunx kosteffettiv meta wieħed jikkunsidra l-iffrankar potenzjali stmat fuq tul ta' żmien.

(b)

ssir konnessjoni ġdida f'bini ġdid jew f'bini li fih isiru rinnovazzjonijiet kbar, kif stipulat fid-Direttiva 2010/31/UE.

2.   Meta, u sa fejn, l-Istati Membri jimplimentaw sistemi ta' arloġġi intelliġenti f'konformità u jintroduċu arloġġi intelliġenti għall-gass naturali u/jew l-elettriku konformement mad-Direttivi 2009/72/KE u 2009/73/KE:

(a)

huma għandhom jiżguraw li s-sistemi tal-arloġġi jagħtu informazzjoni dwar il-ħin effettiv ta' użu għall-klijenti aħħarin u li l-għanijiet tal-effiċjenza fl-enerġija u l-benefiċċji tal-klijenti aħħarin jitqiesu bis-sħiħ meta jiġu stabbiliti l-funzjonalitajiet minimi tal-arloġġi u l-obbligi imposti fuq il-parteċipanti fis-suq;

(b)

huma għandhom jiżguraw is-sigurtà tal-arloġġi intelliġenti u l-komunikazzjoni tad-data, u l-privatezza tal-klijenti aħħarin, f'konformità mal-protezzjoni tad-data u l-leġislazzjoni dwar il-privatezza rilevanti tal-Unjoni.

(c)

fil-każ tal-elettriku u fuq talba tal-klijent aħħari, huma għandhom jirrikjedu lill-operaturi tal-arloġġi biex jiżguraw li l-arloġġ jew arloġġi jistgħu jagħtu kont tal-elettriku li ddaħħal fil-grilja mill-bini tal-klijent aħħari.

(d)

huma għandhom jiżguraw li jekk il-klijenti aħħarin jagħmlu talba, id-data mill-arloġġi dwar l-elettriku li jitfgħu (l-input) u l-gass li jieħdu (l-offtake) tkun disponibbli għalihom jew għal parti terza li tkun qed taġixxi f'isem il-klijent aħħari f'format li jista' jiftiehem faċilment li jistgħu jużaw sabiex iqabblu l-ftehimiet b'mod identiku.

(e)

huma għandhom jeħtieġu li jingħataw il-konsulenza u l-informazzjoni adegwati lill-klijenti fil-ħin tal-installazzjoni tal-arloġġi intelliġenti, b'mod partikolari dwar il-potenzjal sħiħ tagħhom fir-rigward tal-ġestjoni tal-qari tal-arloġġi u l-monitoraġġ tal-konsum tal-enerġija.

3.   Fejn it-tisħin u t-tkessiħ jew il-misħun jkunu pprovduti lil bini minn netwerk ta' tisħin distrettwali jew minn sors ċentrali li jkun qed jaqdi għadd ta' bini, għandu jiġi installat arloġġ tas-sħana jew tal-misħun fejn isir l-iskambju tat-tisħin jew fil-punt ta' konsenja.

Għandhom jiġu installati wkoll sal-31 ta' Diċembru 2016 arloġġi individwali tal-konsum f'bini b'aktar minn appartament wieħed u b'numru ta' użi b'sors ċentrali ta' tisħin/tkessiħ jew moqdi minn netwerk ta' tisħin distrettwali jew minn sors ċentrali li jaqdi għadd ta' binjiet, biex jitkejjel il-konsum ta' sħana jew tkessiħ jew misħun għal kull unità fejn ikun teknikament fattibbli u kosteffiċjenti. Fejn l-użu ta' arloġġi individwali ma jkunx teknikament fattibbli jew ma jkunx kosteffiċjenti, biex ikejlu s-sħana, għandhom jintużaw allokaturi individwali tal-ispiża għat-tisħin biex jitkejjel il-konsum tas-sħana f'kull radjatur, dment l-Istat Membru inkwistjoni ma jurix li l-installazzjoni ta' tali allokaturi tal-ispiża għat-tisħin ma tkunx kosteffiċjenti. F'dawk il-każijiet, jistgħu jiġu kkunsidrati metodi kosteffiċjenti alternattivi ta' kejl tal-konsum tas-sħana.

Fejn binjiet b'aktar minn appartament wieħed moqdija minn tisħin jew tkessiħ distrettwali, jew fejn is-sistemi komuni tagħhom ta' tisħin jew tkessiħ għal tali binjiet ikunu prevalenti, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu regoli trasparenti dwar l-allokazzjoni tal-ispiża ta' konsum termali jew tal-misħun f'tali bini biex tiġi żgurata t-trasparenza u l-preċiżjoni tal-kontijiet tal-konsum individwali. Fejn ikun xieraq, tali regoli għandhom jinkludu linji gwida dwar il-mod ta' allokazzjoni ta' spejjeż tas-sħana u/jew tal-misħun li hu użat kif ġej:

(a)

misħun għall-ħtiġijiet domestiċi;

(b)

sħana mormija mill-installazzjoni tal-bini u għall-iskop tat-tisħin taż-żoni komuni (fejn it-taraġ u l-kurituri jkunu mgħammra b'radjaturi);

(c)

għall-iskop tat-tisħin ta' appartamenti.

Artikolu 10

Informazzjoni dwar il-kontijiet

1.   Meta l-klijenti aħħarin ma jkollhomx l-arloġġi intelliġenti kif imsemmi fid-Direttiva 2009/72/KE u mid-Direttiva 2009/73/KE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, sal-31 ta' Diċembru 2014, li l-informazzjoni dwar il-kontijiet ikunu preċiżi u bbażati fuq il-konsum reali, skont il-punt (1.1) tal-Anness VII, għas-setturi kollha koperti minn din id-Direttiva, inklużi d-distributuri tal-enerġija, l-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni u l-kumpaniji tal-bejgħ tal-enerġija fil-livell tal-konsum, fejn dan ikun teknikament possibbli u ekonomikament iġġustifikat.

Dan l-obbligu jista' jiġi ssodisfat minn sistema ta' qari tal-konsum proprju mill-klijenti aħħarin li permezz tiegħu huma jikkomunikaw il-qari mill-arloġġ tagħhom lill-fornitur tal-enerġija. Biss meta l-klijent aħħari ma jkunx ipprovda qari mill-arloġġ għal perijodu partikolari ta' kontijiet, il-kontijiet għandhom ikunu bbażat fuq konsum stmat jew rata fissa.

2.   L-arloġġi installati skont id-Direttivi 2009/72/KE u 2009/73/KE għandhom jippermettu informazzjoni preċiża dwar kontijiet ibbażata fuq il-konsum effettiv. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti aħħarin ikollhom il-possibbiltà ta' aċċess faċli għal informazzjoni komplementari dwar il-konsum storiku li jippermettu verifiki dettaljati minnhom stess.

L-informazzjoni komplementari dwar il-konsum storiku għandha tinkludi:

(a)

data kumulattiva għal mill-anqas it-tliet snin preċedenti jew il-perijodu mill-bidu tal-kuntratt tal-provvista jekk dan ikun iqsar. Id-data għandha tikkorrispondi għall-perijodi li għalihom ġiet prodotta informazzjoni frekwenti dwar kontijiet; u

(b)

data dettaljata skont il-ħin ta' użu għal kull jum, ġimgħa, xahar u sena. Din id-data għandha ssir disponibbli lill-klijent aħħari permezz tal-internet jew l-interfaċċja tal-arloġġ għall-perijodu ta' mill-anqas 24 xahar preċedenti jew il-perijodu mill-bidu tal-kuntratt ta' provvista jekk dan ikun inqas.

3.   Indipendentement minn jekk l-arloġġi intelliġenti jkunux ġew installati jew le, l-Istati Membri:

(a)

għandhom jirrikjedu li, safejn l-informazzjoni dwar il-kontijiet tal-enerġija u l-konsum storiku tal-klijenti aħħarin tkun disponibbli, din issir disponibbli, fuq it-talba tal-klijent aħħari, għal fornitur ta' servizz ta' enerġija magħżul mill-klijent aħħari.

(b)

għandhom jiżguraw li l-klijenti aħħarin ikunu offruti l-għażla ta' informazzjoni dwar il-kontijiet u kontijiet elettroniċi u li jirċievu, fuq talba, spjegazzjoni ċara u li tiftiehem ta' kif il-kont tagħhom ġie dderivat, speċjalment fejn il-kontijiet ma jkunux ibbażati fuq il-konsum attwali;

(c)

għandhom jiżguraw li l-informazzjoni kollha xierqa tkun disponibbli mal-kont biex il-klijent aħħari ikun ipprovdut b'kont komprensiv tal-kosti kurrenti tal-enerġija, f'konformità mal-Anness VII;.

(d)

jistgħu jistipulaw li, fuq talba tal-klijent aħħari, l-informazzjoni li fihom dawn il-kontijiet ma jkollhiex titqies li tikkostitwixxi talba għall-ħlas. F'każijiet bħal dawn, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri tas-sorsi tal-enerġija joffru arranġamenti flessibbli għal ħlasijiet effettivi;

(e)

għandhom jeħtieġu li l-informazzjoni u l-estimi għall-ispejjeż tal-enerġija jkunu pprovduti lill-konsumaturi fuq talba fil-ħin u f'format li jiftiehem faċilment li jippermetti lill-konsumaturi jqabblu ftehimiet b'mod identiku.

Artikolu 11

Spiża tal-aċċess għal informazzjoni dwar arloġġi u kontijiet

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti aħħarin jirċievu l-kontijiet u informazzjoni kollha dwar il-kontijiet għal konsum tal-enerġija mingħajr ħlas u li l-klijenti aħħarinukoll ikollhom aċċess għad-data dwar il-konsum tagħhom b'mod adegwat u mingħajr ħlas.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, id-distribuzzjoni tal-ispejjeż tal-informazzjoni dwar il-kontijiet għall-konsum individwali tat-tisħin u t-tkessiħ f'bini b'aktar minn appartament wieħed u b'numru ta' użi skont l-Artikolu 9(3) għandha ssir mingħajr profitt. L-ispejjeż li jirriżultaw mill-assenjament ta' dan il-kompitu għal parti terza, bħal fornitur ta' servizz jew il-fornitur lokali tal-enerġija, li jkopri l-kejl, l-allokazzjoni u l-kontabbiltà għall-konsum individwali attwali f'tali bini, jistgħu jingħataw lill-klijenti finali, safejn tali spejjeż ikunu raġonevoli.

Artikolu 12

Informazzjoni lill-konsumatur u programm ta' għoti ta' setgħa

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jippromwovu u jiffaċilitaw użu effiċjenti tal-enerġija minn klijenti żgħar tal-enerġija, inklużi l-klijenti domestiċi. Dawn il-miżuri jistgħu jkunu parti minn strateġija nazzjonali.

2.   Għall-għanijiet tal-paragrafu 1, dawn il-miżuri għandhom jinkludu element wieħed jew aktar elenkati taħt il-punt (a) jew (b):

(a)

firxa ta' strumenti u politiki għall-promozzjoni ta' bidla fl-imġiba li jistgħu jinkludu:

(i)

inċentivi fiskali;

(ii)

aċċess għal finanzi, għotjiet jew sussidji;

(iii)

għoti ta' informazzjoni;

(iv)

proġetti eżemplari;

(v)

attivitajiet fuq il-post tax-xogħol;

(b)

modi u mezzi għall-involviment tal-konsumaturi u l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi matul l-implimentazzjoni possibbli tal-arloġġi intelliġenti permezz tal-komunikazzjoni ta':

(i)

bidliet kosteffettivi u faċli biex jintlaħqu fl-użu tal-enerġija;

(ii)

informazzjoni dwar miżuri ta' effiċjenza fl-enerġija.

Artikolu 13

Penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-penali applikabbli f'każ ta' nuqqas ta' konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont l-Artikoli 7 sa 11 u l-Artikolu 18(3) u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali pprovduti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifiikaw lill-Kumissjoni dawk id-disposizzjonijet sal-5 ta' Ġunju 2014 u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien b' kull emenda sussegwenti li taffettwahom.

KAPITOLU III

EFFIĊJENZA FIL-PROVVISTA TAL-ENERĠIJA

Artikolu 14

Il-promozzjoni tal-effiċjenza fit-tisħin u fit-tkessiħ

1.   Sal-31 ta' Diċembru 2015, l-Istati Membri għandhom iwettqu u jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar valutazzjoni komprensiva tal-potenzjal għall-applikazzjoni ta' koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja u għal tisħin u tkessiħ distrettwali effiċjenti, li jkun fih l-informazzjoni stabbilita fl-Anness VIII. Jekk ikunu diġà wettqu valutazzjoni ekwivalenti, għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwarha.

Il-valutazzjoni komprensiva għandha tieħu kont sħiħ tal-analiżi tal-potenzjali nazzjonali għall-koġenerazzjoni b'effiċjenza kbira li titwettaq taħt id-Direttiva 2004/8/KE.

Fuq talba tal-Kummissjoni, il-valutazzjoni għandha tiġi aġġornata u l-Kummissjoni għandha tiġi nnotifikata dwarha kull ħames snin. Il-Kummissjoni għandha tagħmel tali talba tal-inqas sena qabel id-data ta' skadenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jadottaw politiki li jinkoraġġixxu li jittieħed kont debitu fil-livelli lokali u reġjonali tal-potenzjal tal-użu ta' sistemi ta' tisħin u ta' tkessiħ effiċjenti, b'mod partikolari dawk li jużaw koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja. Għandu jittieħed kont tal-potenzjal għall-iżvilupp ta' swieq lokali u reġjonali ta' sħana.

3.   Għall-għan tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom iwettqu analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji li tkopri t-territorju tagħhom skont il-Parti 1 tal-Anness VIIIbis, ibbażata fuq il-kundizzjonijiet klimatiċi, il-fattibbiltà ekonomika jew l-adegwatezza teknika skont il-Parti 1 tal-Anness IX. Dik l-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji għandha tkun kapaċi tiffaċilita l-identifikazzjoni tas-soluzzjonijiet l-aktar effiċjenti fir-riżorsi u kosteffiċjenti biex jintlaħqu l-ħtiġiet tat-tisħin u t-tkessiħ. L-analiżi tal-kosteffiċjenza tista' tkun parti minn valutazzjoni ambjentali, skont id-Direttiva 2001/42/KE tas-27 ta' Ġunju 2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2001 dwar l-istima ta' l-effetti ta' ċerti pjani u programmi fuq l-ambjent (25).

4.   Fejn il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 u l-analiżi msemmija fil-paragrafu 3 jidentifikaw potenzjal għall-applikazzjoni ta' koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja u/jew għal tisħin u tkessiħ distrettwali effiċjenti li l-benefiċċju tiegħu jaqbeż l-ispejjeż, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri adegwati sabiex jiżviluppaw infrastruttura għal tisħin u tkessiħ distrettwali effiċjenti u/jew ħalli jiġu akkomodati l-iżvilupp ta' koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja u l-użu ta' tisħin u ta' tkessiħ minn sħana mitlufa u minn sorsi rinnovabbli tal-enerġija skont il-paragrafi 1, 5, u 7.

Fejn il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 u l-analiżi msemmija fil-paragarfu 3 ma jidentifikawx potenzjal li l-benefiċċji tiegħu jaqbeż l-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż amministrattivi għat-twettiq tal-analiżi tal-kosteffiċjenza msemmija fil-paragrafu 5, l-Istat Membru kkonċernat jista' jeżenta installazzjonijiet mir-rekwiżiti stabbiliti f'dak il-paragrafu.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li titwettaq l-analiżi tal-kosteffiċjenza f'konformità mal-Parti 2 tal-Anness IX meta, wara l-5 ta' Ġunju 2014:

(a)

tkun ippjanata installazzjoni ġdida għall-ġenerazzjoni tal-elettriku b'input termali kklassifikat li jaqbeż l-20 MW, sabiex jiġu analizzati l-ispiża u l-benefiċċju tal-proviżjoni għall-operazzjoni tal-installazzjoni bħala installazzjoni ta' koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja;

(b)

tkun modernizzata installazzjoni termali eżistenti għall-ġenerazzjoni tal-elettriku b'input termali li jaqbeż l-20 MW, sabiex jiġu analizzati l-ispiża u l-benefiċċju li din tiġi kkonvertita għal waħda ta' koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja;

(c)

tkun ippjanata jew sostanzjalment modernizzata installazzjoni industrijali[…] b'input termali totali li jaqbeż l-20 MW li jiġġenera sħana żejda b'livell utli ta' temperatura, sabiex jiġu vvalutati l-ispiża u l-benefiċċji tal-użu tas-sħana żejda biex tintlaħaq id-domanda ekonomikament ġustifikata, inkluż permezz tal-koġenerazzjoni, u tal-konnessjoni ta' dik l-installazzjoni għal netwerk ta' tisħin u tkessiħ distrettwali effiċjenti;

(d)

tkun ippjanata netwerk ta' tisħin u tkessiħ distrettwali jew, f'netwerk eżistenti, tiġi ppjanata installazzjoni ġdida għall-produzzjoni tal-enerġija b'input termali totali li jaqbeż l-20 MW jew tkun ser tiġi sostanzjalment irrinovata installazzjoni eżistenti li taqbeż l-20 MW, biex jiġu vvalutati l-ispiża u l-benefiċċji li tintuża s-sħana mitlufa minn installazzjonijiet industrijali fil-qrib.

L-installazzjoni ta' tagħmir li jaqbad id-dijossidu tal-karbonju prodott minn installazzjoni ta' kombustjoni bil-ħsieb li jinħażen ġeoloġikament kif previst fid-Direttiva 2009/31/KE m'għandhiex titqies bħala rinovazzjoni għall-finijiet tal-punti (b), (c) u (d) ta' dan il-paragrafu.

L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji msemmija fil-punti (c) u (d) titwettaq f'kooperazzjoni mal-kumpanniji responsabbli għall-operazzjoni tan-netwerks ta' tisħin u tkessiħ distrettwali.

6.   L-Istati Membri jistgħu jeżentaw mill-paragrafu 5:

(a)

dawk l-installazzjonijiet li jiġġeneraw l-elettriku għall-ħinijiet tal-ogħla konsum u l-użu f'każ ta' bżonn li huma ppjanati li joperaw għal anqas minn 1 500 siegħa ta' operazzjoni kull sena bħala medja inizjali fuq perijodu ta' ħames snin, abbażi ta' proċedura ta' verifika stabbilita mill-Istati Membri li tiżgura li dan il-kriterju għall-eżenzjoni jiġi ssodisfat;

(b)

installazzjonijiet ta' enerġija nukleari;

(c)

installazzjonijiet li jeħtieġ li jkunu lokalizzati qrib sit ta' ħżin ġeoloġiku li għandu permess approvati skont id-Direttiva 2009/31/KE.

L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu limiti, espressi f'termini tal-ammont ta' sħana mitlufa utli disponibbli, id-domanda għas-sħana jew id-distanzi bejn l-installazzjonijiet industrijali u n-netwerks ta' tisħin distrettwali, sabiex jeżentaw installazzjonijiet individwali mid-dispożizzjonijiet tal-punti (c) u (d) tal-paragrafu 5.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw l-eżenzjonijiet adottati taħt dan il-paragrafu lill-Kummissjoni sal-31 ta' Diċembru 2013 u kwalunkwe bidla sussegwenti fihom wara.

7.   L-Istati Membri għandhom jadottaw kriterji ta' awtorizzazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2009/72/KE, jew kriterji ta' permess ekwivalenti, biex:

(a)

jieħdu kont tal-eżitu tal-valutazzjonijiet komprensivi msemmija fil-paragrafu 1;

(b)

jiżguraw li jintlaħqu r-rekwiżiti għall-paragrafu 5; u

(c)

jieħdu kont tal-eżitu tal-analiżi tal-kostbenefiċċju msemmija fil-paragrafu 5.

8.   L-Istati Membri jistgħu jeżentaw installazzjonijiet individwali mir-rekwiżiti, bl-awtorizzazzjoni u l-kriterji tal-permess imsemmija fil-paragrafu 7, li jimplimentaw għażliet li l-benefiċċji tagħhom jaqbżu l-ispejjeż tagħhom, jekk ikun hemm raġunijiet imperattivi ta' liġi, sjieda jew finanzjament biex dan isir. F'dawn il-każijiet l-Istat Membru kkonċernat għandu jippreżenta notifika motivata tad-deċiżjoni tiegħu lill-Kummissjoni fi żmien tliet xhur mid-data li fiha ttieħdet.

9.   Il-paragrafi 5, 6, 7 u 8 ta' dan l-Artikolu għandhom japplikaw għall-installazzjonijiet koperti mid-Direttiva 2010/75/UE mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta' dik id-Direttiva.

10.   Fuq il-bażi tal-valuri ta' referenza armonizzati għall-effiċjenza msemmija fil-punt (f) tal-Anness II, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-oriġini tal-elettriku prodott minn koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja tista' tiġi ggarantita skont kriterji oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji stabbiliti minn kull Stat Membru. Huma għandhom jiżguraw li din il-garanzija tal-oriġini tkun konformi mar-rekwiżiti u tkun tinkludi mill-inqas l-informazzjoni speċifikata fl-Anness X. L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu b'mod reċiproku l-garanziji tal-oriġini tagħhom, esklużivament bħala prova tal-informazzjoni msemmija f'dan il-paragrafu. Kwalunkwe rifjut biex tiġi rikonoxxuta garanzija tal-oriġini bħala prova ta' din ix-xorta, b'mod partikolari għal raġunijiet relatati mal-prevenzjoni ta' frodi, irid ikun ibbażat fuq kriterji oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'tali rifjut u bil-ġustifikazzjoni għalih. Fil-każ ta' rifjut biex tiġi rikonoxxuta garanzija tal-oriġini, il-Kummissjoni tista' tadotta deċiżjoni sabiex iġġiegħel lill-parti li qed tirrifjuta li tirrikonoxxiha biex tagħmel dan, b'mod partikolari fir-rigward ta' kriterji oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji li fuqhom ikun ibbażat tali rikonoxximent.

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tirrevendi, permezz ta' atti delegat skont l-Artikolu 23 ta' din id-Direttiva, l-valuri armonizzati ta' referenza tal-effiċjenza stipulati fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummisjoni 2011/877/UE (26) fuq il-bażi tad-Direttiva 2004/8/KE sal-31 ta' Diċembru 2014.

11.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe appoġġ disponibbli għall-koġenerazzjoni ikun suġġett għall-fatt illi l-elettriku prodott ikun oriġina minn koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja u li s-sħana mitlufa tintuża effettivament sabiex jinkiseb iffrankar tal-enerġija primarja. L-appoġġ pubbliku għall-koġenerazzjoni u għall-ġenerazzjoni u għan-netwerks ta’ tisħin distrettwali għandu jkun soġġett għar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, fejn dan ikun applikabbli.

Artikolu 15

Trasformazzjoni, trasmissjoni u distribuzzjoni tal-enerġija

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-enerġija jikkunsidraw debitament l-effiċjenza fl-enerġija fit-twettiq tal-kompiti regolatorji speċifikati fid-Direttivi 2009/72/KE u 2009/73/KE fir-rigward tad-deċiżjonijiet tagħhom dwar it-tħaddim tal-infrastruttura tal-gass u tal-elettriku.

L-Istati Membri għandhom, b'mod partikolari, jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji tal-enerġija nazzjonali permezz tal-iżvilupp ta' tariffi u regolamenti tan-netwerk, fil-qafas tad-Direttiva 2009/72/KE u b'kont meħud tal-ispejjeż u l-benefiċċji ta' kull miżura, jipprovdu inċentivi għall-operaturi tal-grilja sabiex jagħmlu disponibbli servizzi tas-sistema lill-utenti tan-netwerk li permezz tagħhom ikunu jistgħu jimplimentaw miżuri għal titjib tal-effiċjenza fl-enerġija fil-kuntest tal-użu kontinwu tal-grilji intelliġenti.

Tali servizzi ta' sistemi jistgħu jkunu determinati mill-operatur tas-sistema u ma għandux ikollhom impatt negattiv tas-sigurtà tas-sistema.

Għall-elettriku, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-regolamentazzjoni tan-netwerks, u t-tariffi tan-netwerks, jissodisfaw il-kriterji fl-Anness XI, b'kunsiderazzjoni għal-linji gwida u l-kodiċijiet żviluppati skont ir-Regolament (KE) Nru 714/2009.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw, sat-30 ta' Ġunju 2015, li:

(a)

issir valutazzjoni tal-potenzjali tal-effiċjenza fl-enerġija tal-infrastruttura tal-gass u l-elettriku u tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tat-trasmissjoni, tad-distribuzzjoni, tal-ġestjoni tat-tagħbiji u tal-interoperabbiltà, kif ukoll tal-konnessjoni mal-installazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija, inklużi l-possibbiltajiet ta' aċċess għal ġeneraturi tal-enerġija mikro;

(b)

jiġu identifikati miżuri u investimenti konkreti għall-introduzzjoni ta' titjib kosteffettiv tal-effiċjenza fl-enerġija fl-infrastruttura tan-netwerks, bi skeda ta' żmien għall-introduzzjoni tagħhom.

3.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu komponenti ta’ skemi u ta’ strutturi tariffarji b’għan soċjali għat-trasmissjoni u għad-distribuzzjoni tal-enerġija destinata għan-netwerk, sakemm kwalunkwe effett li jista' jfixkel is-sistema ta' trasmissjoni u distribuzzjoni jinżamm għall-minimu neċessarju u ma jkunx spropozjonat mal-għan soċjali.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw it-tneħħija ta' dawk l-inċentivi fit-tariffi tat-trasmissjoni u d-distribuzzjoni li jagħmlu ħsara lill-effiċjenza ġenerali (inkluża l-effiċjenza fl-enerġija) tal-ġenerazzjoni, it-trasmissjoni, id-distribuzzjoni u l-provvista tal-elettriku jew dawk li jistgħu jfixklu l-parteċipazzjoni ta' rispons ta' domanda, fl-ibbilanċjar tas-swieq u fl-akkwist tas-servizzi anċillari. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi tan-netwerk ikunu inċentivati biex itejbu l-effiċjenza fid-disinn u l-ħidma tal-infrastruttura, u, fil-qafas tad-Direttiva 2009/72/KE, li t-tariffi jippermettu lill-fornituri jtejbu l-parteċipazzjoni tal-konsumaturi fl-effiċjenza tas-sistema, inkluż ir-rispons tad-domanda skont iċ-ċirkostanzi nazzjonali.

5.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2009/28/KE u b'kont meħud tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2009/72/KE u l-ħtieġa li tkun żgurata l-kontinwità fil-provvista tas-sħana, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, suġġett għar-rekwiżiti relatati maż-żamma tal-affidabbiltà u tas-sikurezza tal-grilja, fuq il-baÿi ta’ kriterji trasparenti u mhux diskriminatorji stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, l-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni u l-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni meta jkunu responsabbli mir-rilaxx tal-installazzjonijiet li jiġġeneraw l-enerġija fit-territorju tagħhom:

(a)

jiggarantixxu t-trasmissjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku minn koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja;

(b)

jipprovdu aċċess prijoritarju jew iggarantit għall-grilja tal-elettriku minn koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja;

(c)

meta jirrilaxxaw l-installazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku, jipprovdu rilaxx prijoritarju ta' elettriku minn koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja sakemm jippermetti t-tħaddim sigur tas-sistema nazzjonali tal-elettriku.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-regoli relatati mal-klassifikazzjoni tal-prijoritajiet differenti ta' aċċess u rilaxx mogħtija fis-sistemi tal-elettriku tagħhom jiġu spjegati fid-dettall u ppubblikati. Meta jipprovdu aċċess prijoritarju jew jirrilaxxaw il-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu l-klassifikazzjonijiet bħala bejn l-enerġija rinnovabbli u l-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, jew fi ħdan tipi differenti tagħhom u fi kwalunkwe każ għandhom jiżguraw li l-aċċess jew ir-rilaxx prijoritarji għall-enerġija minn sorsi differenti ta' enerġija rinnovabbli ma jkunux imfixkla.

Minbarra l-obbligi stabbiliti fl-ewwel subparagrafu, l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni u l-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness XII.

L-Istati Membri jistgħu jiffaċilitaw, b'mod partikolari, il-konnessjoni mas-sistema tal-grilja tal-elettriku prodott minn koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja minn unitajiet ta' koġenerazzjoni ta' skala żgħira u ta' mikroġenerazzjoni. L-Istati Membri għandhom, fejn xieraq, jieħdu passi biex jinkoraġġixxu lill-operaturi tan-netwerks biex jadottaw notifika sempliċi ta' proċess ta' 'installa u informa' għall-installazzjoni ta' unitajiet mikro ta' koġenerazzjoni għas-simplifikazzjoni u t-tqassir tal-proċeduri ta' awtorizzazzjoni għaċ-ċittadini u l-installaturi individwali.

6.   Soġġett għar-rekwiżiti relatati maż-żamma tal-affidabbiltà u tas-sikurezza tal-grilja, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi xierqa sabiex jiżguraw li, fejn dan ikun teknikament u ekonomikament fattibbli mal-mod ta' operazzjoni tal-installazzjoni ta' koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, l-operaturi tal-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja jistgħu joffru servizzi ta' bbilanċjar u servizzi operattivi oħrajn fuq il-livell tal-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni jew tal-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni fejn dan ikun konsistenti mal-modalità ta' tħaddim tal-installazzjoni ta' koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja. L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni u l-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni għandhom jiżguraw li tali servizzi jkunu parti minn proċess ta' tfigħ ta' offerti għas-servizzi li jkun trasparenti, mhux diskriminatorji u miftuħa għal skrutinju.

Fejn ikun xieraq, l-Istati Membri jistgħu jeżiġu li l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni u l-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni jinkoraġġixxu li l-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja titqiegħed f'post qrib iż-żoni ta' domanda billi jnaqqsu t-tariffi tal-konnessjoni u tal-użu tas-sistema.

7.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-produtturi ta' elettriku minn koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja li jixtiequ jkunu konnessi mal-grilja joħorġu sejħa għall-offerti għax-xogħol tal-konnessjoni.

8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji tal-enerġija jinkoraġġixxu riżorsi fuq in-naħa tad-domanda, bħar-risposta għad-domanda, biex jipparteċipaw flimkien mal-provvista fis-swieq tal-bejgħ bl-ingrossa u l-bejgħ bl-imnut.

Soġġett għal limiti tekniċi inerenti fit-tmexxija tan-netwerks, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi tas-sistemi ta' trasmissjoni u l-operaturi tas-sistemi ta' distribuzzjoni, fl-ilħuq tar-rekwiżiti għal servizzi ta' bilanċjar u anċillari, jittrattaw lill-fornituri tar-risposta għad-domanda, inklużi l-aggregaturi, b'mod mhux diskriminatorju, abbażi tal-kapaċitajiet tekniċi tagħhom.

Soġġett għal limiti tekniċi inerenti fit-tmexxija tan-netwerks, l-Istati Membri għandhom jippromwovu l-aċċess għal u l-parteċipazzjoni fir-risposta għad-domanda fl-ibbilanċjar, ir-riżerva u swieq oħrajn ta' sistema ta' servizzi, fost l-oħrajn bir-rekwiżit li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-enerġija jew, fejn is-sistemi regolatorji nazzjonali tagħhom hekk jeħtieġu, l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni u l-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni f'kooperazzjoni mill-qrib mal-fornituri u l-konsumaturi tas-servizz tad-domanda, biex jiġu definiti l-modalitajiet tekniċi għall-parteċipazzjoni f'dawn is-swieq abbażi tar-rekwiżiti tekniċi ta' dawn is-swieq u l-kapaċitajiet tar-risposta għad-domanda. Tali speċifikazzjonijiet għandhom jinkludu l-parteċipazzjoni tal-aggregaturi.

9.   Fir-rappurtar taħt id-Direttiva 2010/75/UE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9(2) ta' dik id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw l-inklużjoni ta' informazzjoni dwar il-livelli ta' effiċjenza tal-enerġija ta' installazzjonijiet li jwettqu l-kombustjoni ta' karburanti b'input termali kklassifikat totali ta' 50 MW jew aktar fid-dawl tal-aħjar tekniki disponibbli rilevanti, kif żviluppat skont id-Direttivi 2010/75/UE u 2008/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġiż (27).

L-Istati Membri jistgħu jinkoraġġixxu lill-operaturi tal-installazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu biex itejbu r-rati operattivi netti medji annwali tagħhom.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET ORIZZONTALI

Artikolu 16

Disponibbilta' ta' skemi ta' kwalifika, akkreditazzjoni u ċertifikazzjoni

1.   Fejn Stat Membru jikkunsira li l-livell nazzjonali ta' kompetenza, oġġettività u affidabbiltà teknika mhux suffiċjenti, huwa għandu jiżgura li, sal-31 ta' Diċembru 2014, l-iskemi ta' ċertifikazzjoni u/jew ta' akkreditazzjoni u/jew l-iskemi ta' kwalifiki ekwivalenti, inkluż, fejn meħtieġ, programmi xierqa ta' taħriġ, isiru jew ikunu disponibbli għall-fornituri ta' servizzi tal-enerġija, għall-verifiki tal-enerġija, għall-managers tal-enerġija u għall-installaturi tal-elementi tal-bini relatati mal-enerġija kif ġew iddefiniti fl-Artikolu 2(9) tad-Direttiva 2010/31/UE.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iskemi msemmija fil-paragrafu 1 jipprovdu trasparenza għall-konsumaturi, ikunu affidabbli u jikkontribwixxu għall-objettivi nazzjonali tal-effiċjenza fl-enerġija.

3.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli pubblikament l-iskemi ta' ċertifikazzjoni u/jew ta' akkreditazzjoni jew l-iskemi ta' kwalifiki ekwivalenti msemmija fil-paragrafu 1 u għandhom jikkooperaw ma' xulxin u mal-Kummissjoni dwar il-paraguni bejn l-iskemi u r-rikonoxximent tagħhom.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jagħmlu lill-konsumaturi konxji mid-disponibbiltà tal-iskemi ta' kwalifika u/jew ċertifikazzjoni, f'konformità mal-Artikolu 18(1).

Artikolu 17

Informazzjoni u taħriġ

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar il-mekkaniżmi disponibbli tal-effiċjenza fl-enerġija u l-oqfsa finanzjarji u legali jkunu trasparenti u distribwiti b'mod wiesa' mal-atturi rilevanti kollha tas-suq, bħall-konsumaturi, il-bennejja, l-arkitetti, l-inġiniera, l-awditjarri ambjentali u tal-enerġija, u l-installaturi tal-elementi tal-bini kif definit fid-Direttiva 2010/31/UE.

L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-għoti ta' informazzjoni lill-banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn dwar il-possibbiltajiet ta' parteċipazzjoni, inkluż permezz tal-ħolqien ta' sħubiji pubbliċi/privati, fil-finanzjament tal-miżuri ta' titjib tal-effiċjenza fl-enerġija.

2.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kondizzjonijiet xierqa għall-operaturi tas-swieq biex jipprovdu informazzjoni adegwata u mmirata u konsulenza lill-konsumaturi tal-enerġija dwar l-effiċjenza fl-enerġija.

3.   Il-Kummissjoni għandha tanalizza l-impatt tal-miżuri tagħha biex tappoġġa l-iżvilupp ta' pjattaformi li jinvolvu, fost l-oħrajn, korpi ta' djalogu soċjali Ewropew fit-trawwim ta' programmi ta' taħriġ għall-effiċjenza fl-enerġija, u għandha tressaq aktar miżuri jekk ikun xieraq. Il-Kummissjoni għandha tinkoraġġixxi lis-sħab soċjali Ewropej fid-diskussjonijiet tagħhom dwar l-effiċjenza fl-enerġija.

4.   L-Istati Membri għandhom, bil-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati, inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali, jippromwovu l-informazzjoni xierqa, is-sensibilizzazzjoni u l-inizjattivi ta' taħriġ biex jinfurmaw liċ-ċittadini dwar il-benefiċċji u l-prattiċitajiet li jittieħdu miżuri ta' titjib fl-effiċjenza fl-enerġija.

5.   Il-Kummissjoni għandha tinkoraġġixxi l-iskambju u d-distribuzzjoni wiesa' tal-informazzjoni dwar l-aħjar prattiki ta' effiċjenza fl-enerġija fl-Istati Membri.

Artikolu 18

Servizzi ta' enerġija

1.   L-Istati Membri għandhom jippromwovu s-suq tas-servizzi tal-enerġija u l-aċċess tal-SMEs għal dan is-suq billi:

(a)

jiddistribwixxu informazzjoni ċara u faċilment aċċessibbli dwar

(i)

il-kuntratti u l-klawsoli tas-servizzi tal-enerġija disponibbli li għandhom ikunu inklużi f'kuntratti ta' din ix-xorta sabiex jiġu ggarantiti l-iffrankar tal-enerġija u d-drittijiet tal-klijenti aħħarin;

(ii)

strumenti finanzjarji, inċentivi, għotjiet u self sabiex jingħata appoġġ lill-proġetti tas-servizzi tal-effiċjenza fl-enerġija;

(b)

jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta' tikketti ta' kwalità, fost l-oħrajn, minn assoċjazzjonijiet kummerċjali;

(c)

jagħmlu pubblikament disponibbli u jaġġornaw regolarment lista ta' fornituri disponibbli ta' servizzi ta' enerġija li huma kwalifikati u/jew ċertifikati u l-kwalifiki tagħhom u/jew ċertifikazzjonijiet f'konformità mal-Artikolu 16, jew jipprovdu pjattaforma fejn il-fornituri ta' servizzi ta' enerġija jkunu jistgħu jipprovdu informazzjoni;

(d)

jappoġġaw lis-settur pubbliku biex jieħu l-offerti ta' servizz tal-enerġija, b'mod partikolari għall-modernizzazzjoni tal-bini, billi:

(i)

jipprovdu mudell ta' kuntratti għall-kuntrattar tal-prestazzjoni tal-enerġija li jinkludi mill-inqas il-punti elenkati fl-Anness XIII;

(ii)

jipprovdu informazzjoni dwar l-aħjar prattiki għall-kuntrattar tal-prestazzjoni tal-enerġija, inkluża, jekk ikunu disponibbli, l-analiżi tal-ispiża u l-benefiċċji bl-użu ta' approċċ ta' ċiklu tal-ħajja;

(e)

jagħmlu rieżami kwalitattiv fil-qafas tal-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali għall-Effiċjenza fl-Enerġija dwar l-iżvilupp attwali u futur tas-suq tas-servizzi tal-enerġija.

2.   L-Istati Membri għandhom jappoġġaw il-funzjonament tajjeb tas-suq tas-servizzi tal-enerġija, fejn xieraq, billi:

(a)

jidentifikaw u jippubbliċizzaw il-punt(i) ta' kuntatt fejn il-klijenti aħħarin jistgħu jiksbu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1;

(b)

jieħdu, jekk ikun meħtieġ, miżuri biex jitneħħew l-ostakoli regolatorji u mhux regolatorji li jipprojbixxu t-teħid tal-kuntrattar tal-prestazzjoni tal-enerġija u mudelli oħrajn ta' servizzi ta' effiċjenza fl-enerġija għall-identifikazzjoni u/jew l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' ffrankar tal-enerġija;

(c)

jikkunsidraw l-implimentazzjoni jew l-assenjament tar-rwol ta' mekkaniżmu indipendenti, bħal ombudsman, biex jiġi żgurat it-trattament effiċjenti tal-ilmenti u r-riżoluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti li jirriżulta mill-kuntratti tas-servizzi tal-enerġija.

(d)

jippermettu li intermedjarji tas-suq indipendenti ikollhom rwol fl-istimolu tal-iżvilupp tas-suq fuq in-naħat tad-domanda u l-provvista.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-distributuri tal-enerġija, l-operaturi tas-sistemi ta' distribuzzjoni u l-kumpanniji tal-bejgħ tal-enerġija fil-livell tal-konsum joqogħdu lura minn kwalunkwe attività li tista' timpedixxi d-domanda għal u t-twassil tas-servizzi ta' enerġija, jew miżuri oħrajn għal titjib tal-effiċjenza fl-enerġija, jew li tfixkel l-iżvilupp tas-swieq għal tali servizzi jew miżuri, inkluż l-għeluq tas-suq għall-kompetituri jew l-abbuż minn pożizzjonijiet dominanti.

Artikolu 19

Miżuri oħrajn sabiex tkun promossa l-effiċjenza fl-enerġija

1.   L-Istati Membri għandhom jevalwaw u jekk ikun meħtieġ jieħdu miżuri xierqa sabiex ineħħu ostakli regolatorji u mhux regolatorji għall-effiċjenza fl-enerġija, mingħajr preġudizzju għall-prinċipji bażiċi tal-proprjetà u l-liġi dwar il-kera tal-Istati Membri, b'mod partikolari fir-rigward ta':

(a)

il-qsim tal-inċentivi bejn is-sid u l-kerrej ta' bini jew fost is-sidien, sabiex ikun żgurat li dawn il-partijiet ma jiġux skoraġġiti milli jagħmlu investimenti għal titjib tal-effiċjenza li kienu jagħmlu kieku ma kienx għall-fatt li ma jiksbux individwalment il-benefiċċji sħaħ jew minħabba n-nuqqas ta' regoli għad-diviżjoni tal-ispejjeż u tal-benefiċċji bejniethom, inklużi r-regoli u l-miżuri nazzjonali li jirregolaw il-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar il-proprjetà b'diversi sidien;

(b)

id-dispożizzjonijiet legali u regolatorji, u l-prattiki amministrattivi, fir-rigward tax-xiri pubbliku u tal-ibbaġitjar u tal-kontabbiltà annwali, sabiex ikun żgurat li l-korpi pubbliċi individwali ma jiġux skoraġġiti milli jagħmlu investimenti fit-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija u l-minimizzar tal-ispejjeż taċ-ċiklu tal-ħajja mistennija u mill-użu tal-kuntrattar tal-prestazzjoni tal-enerġija u mekkaniżmi ta' finanzjament ta' partijiet terzi oħrajn fuq bażi kuntrattwali fit-tul;

Tali miżuri sabiex jitneħħew l-ostakli jistgħu jinkludu l-għoti ta' inċentivi, ir-revoka jew l-emendar ta' dispożizzjonijiet legali jew regolatorji, jew l-adozzjoni ta' linji gwida u ta' komunikazzjonijiet interpretattivi, jew is-simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi. Il-miżuri jistgħu jiġu kkombinati mal-għoti ta' edukazzjoni, taħriġ u ma' informazzjoni u assistenza teknika speċifiċi dwar l-effiċjenza fl-enerġija.

2.   L-evalwazzjoni tal-ostakli u tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun innotifikata lill-Kummissjoni fl-ewwel Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali għall-Effiċjenza fl-Enerġija msemmi fl-Artikolu 24(2). Il-Kummissjoni għandha tinkoraġġixxi l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki nazzjonali f'dan ir-rigward.

Artikolu 20

Fond Nazzjonali għall-Effiċjenza fl-Enerġija, Finanzjament u Appoġġ Tekniku

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw l-istabbiliment tal-faċilitajiet ta' finanzjament, jew l-użu ta' dawk eżistenti, għall-miżuri ta' titjib tal-effiċjenza fl-enerġija biex jiġu massimizzati l-benefiċċji ta' diversi sorsi ta' finanzjament.

2.   Il-Kummissjoni għandha, fejn xieraq, direttament jew permezz tal-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej, tassisti lill-Istati Membri fl-istabbiliment ta' faċilitajiet ta' finanzjament u skemi ta' appoġġ tekniku bl-għan li tiżdied l-effiċjenza fl-enerġija f'setturi differenti.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattika bejn l-awtoritajiet jew il-korpi nazzjonali jew reġjonali kompetenti, pereżempju permezz ta' laqgħat annwali tal-korpi regolatorji, bażijiet tad-data pubbliċi bl-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' miżuri mill-Istati Membri, u l-paragun bejn il-pajjiżi.

4.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu Fond Nazzjonali għall-Effiċjenza fl-Enerġija. L-iskop ta' dan il-fond għandu jkun li jappoġġa inizjattivi nazzjonali għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.

5.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 5(1) jintlaħqu bil-kontribuzzjonijiet annwali lill-Fond Nazzjonali għall-Effiċjenza fl-Enerġija ta' ammont ugwali għall-investimenti meħtieġa biex jintlaħqu dawk l-obbligi.

6.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-partijiet obbligati jkunu jistgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom stipulati fil-Artikolu 7(1) billi kull sena jikkontribwixxu għall-Fond Nazzjonali għall-Effiċjenza fl-Enerġija ammont ugwali għall-investimenti meħtieġa biex jintlaħqu dawk l-obbligi.

7.   L-Istati Membri jistgħu jużaw id-dħul tagħhom mill-allokazzjonijiet annwali ta' emissjonijiet skont id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE fl-iżvilupp ta' mekkaniżmi ta' finanzjament innovattivi biex jagħtu effett prattiku għall-objettiv fl-Artikolu 5 tat-titjib tal-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini.

Artikolu 21

Fatturi ta' konverżjoni

Għall-finijiet tal-paragun tal-iffrankar u l-konverżjoni tal-enerġija ma' unità paragunabbli, għandhom japplikaw il-fatturi ta' konverżjoni stipulati fl-Anness IV sakemm ma jistax jiġi ġġustifikat l-użu ta' fatturi ta' konverżjoni oħrajn.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 22

Atti delegati

1.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegat skont l-Artikolu 23 sabiex tirrevedi l-valuri armonizzati ta' referenza tal-effiċjenza msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(10).

2.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa sabiex tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 23 sabiex tadatta l-valuri, il-metodi ta' kalkolu, il-koeffiċjent tal-enerġija primarja u r-rekwiżiti fl-Annessi I, II, III, IV, V, VII, VIII, IX, X u XII għall-progress tekniku.

Artikolu 23

Tħaddim tad-delega

1.   Is-setgħa li jiġu adottati atti ddelegati tingħata lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 22 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' ħames snin mill-4 ta' Diċembru 2012.

3.   Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 22 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata hemmhekk. Hija ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att iddelegat li diġà jkun fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

5.   Att iddelegat li ġie adottat skont l-Artikolu 22 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu esprimew xi oġġezzjoni f'perjodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn li huma informaw lill-Kummissjoni li ma għandhomx oġġezzjonijiet. Dak il-perjodu jiġġedded b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 24

Rieżami u monitoraġġ tal-implimentazzjoni

1.   Sat-30 ta' April ta' kull sena mill-2013, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw dwar il-progress li sar sabiex jintlaħqu l-miri nazzjonali għall-effiċjenza enerġeika, skont il-Parti 1 tal-Anness XIV (1). Ir-rapport jista' jifforma parti mill-Programmi Nazzjonali ta' Riforma msemmijin fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2010/410/UE tat-13 ta' Lulju 2010 dwar linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika tal-Istati Membri u tal-Unjoni (28).

2.   Sat-30 ta' April 2014, u imbagħad kull tliet snin, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw Pjani ta' Azzjoni Nazzjonali għall-Effiċjenza fl-Enerġija. Il-Pjani ta' Azzjoni Nazzjonali għall-Effiċjenza fl-Enerġija għandhom ikopru miżuri għat-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija u l-iffrankar tal-enerġija mistenni u/jew miksub sinifikanti, inklużi dawk fil-provvista, it-trasmissjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija kif ukoll fl-użu finali tal-enerġija, bil-ħsieb li jintlaħqu l-miri nazzjonali għall-effiċjenza fl-enerġija msemmijin fl-Artikolu 3(1). Il-Pjani ta' Azzjoni Nazzjonali għall-Effiċjenza fl-Enerġija għandhom ikunu kkomplementati bi stimi aġġornati tal-konsum totali mistenni tal-enerġija primarja fl-2020, kif ukoll b'livelli stmati tal-konsum tal-enerġija primarja fis-setturi indikati fl-Anness XIV(1).

Sal-31 ta' Diċembru 2012, il-Kummissjoni għandha tipprovdi mudell bħala gwida għall-Pjani ta' Azzjoni Nazzjonali għall-Effiċjenza fl-Enerġija. Dak il-mudell għandu jkun adottat skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 26(2). Il-Pjani ta' Azzjoni Nazzjonali għall-Effiċjenza fl-Enerġija fi kwalunkwe każ għandhom jinkludu l-informazzjoni speċifikata fl-Anness XIV.

3.   Il-Kummissjoni għandha tevalwa r-rapporti annwali u l-Pjani ta' Azzjoni Nazzjonali għall-Effiċjenza fl-Enerġija u għandha tivvaluta kemm għamlu progress l-Istati Membri sabiex jilħqu l-miri nazzjonali tal-effiċjenza fl-enerġija mitluba mill-Artikolu 3(1) u sabiex tiġi implimentata din id-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha tibgħat il-valutazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Fuq il-bażi tal-valutazzjoni tagħha tar-rapporti u l-Pjani ta' Azzjoni Nazzjonali għall-Effiċjenza fl-Enerġija l-Kummissjoni tista' tagħti rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri.

4.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-impatt tal-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva fuq id-Direttivi 2003/87/KE, 2009/28/KE u 2010/31/UE u d-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE, u fuq is-setturi industrijali, b'mod partikolari dawk li huma esposti għal riskju sinifikanti ta’ rilokazzjoni tal-karbonju, kif stabbilit fid-Deċiżjoni 2010/2/UE.

5.   Il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-ħtieġa kontinwa għall-possibbiltà ta' eżenzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 14(6) għall-ewwel darba fil-valutazzjoni tal-ewwel Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali għall-Effiċjenza fl-Enerġija u kull tliet snin wara dan. Meta r-reviżjoni turi li kwalunkwe wieħed mill-kriterji għal dawn l-eżenzjonijiet m'għadux jista' jiġi ġġustifikat billi titqies id-disponibbiltà tat-tagħbija tas-sħana u l-kondizzjonijiet operattivi reali tal-installazzjonijiet eżenti, il-Kummissjoni għandha tipproponi miżuri xierqa.

6.   L-Istati Membri għandhom iressqu quddiem il-Kummissjoni, qabel it-30 ta' April ta' kull sena, statistika dwar il-produzzjoni nazzjonali tal-elettriku u tas-sħana minn koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja u baxxa, skont il-metodoloġija murija fl-Anness I, b'relazzjoni għall-produzzjoni totali tas-sħana u tal-elettriku. Huma għandhom iressqu wkoll statistika annwali dwar il-kapaċitajiet tal-koġenerazzjoni tas-sħana u tal-elettriku u l-karburanti għall-koġenerazzjoni, u dwar il-produzzjoni u l-kapaċitajiet tat-tisħin u tat-tkessiħ distrettwali, b'relazzjoni għall-kapaċitajiet totali tas-sħana u tal-produzzjoni tal-elettriku. L-Istati Membri għandhom iressqu statistika dwar l-iffrankar tal-enerġija primarja miksub bl-applikazzjoni tal-koġenerazzjoni skont il-metodoloġija murija fl-Anness II.

7.   Sat-30 ta' Ġunju 2014, il-Kummissjoni għandha tressaq il-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2) quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, akkumpanjat, jekk ikun meħtieġ, bi proposti għal miżuri oħrajn.

8.   Il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-effettività tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 6 sa sal-5 ta' Diċembru 2015, b'kont meħud tar-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 2004/18/KE u għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, jekk ikun xieraq, minn proposti għal aktar miżuri.

9.   Sat-30 ta' Ġunju 2016, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 7. Dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, jekk dan ikun xieraq, minn proposta leġislattiva għal għan wieħed jew iktar minn dawn li ġejjin:

(a)

sabiex tinbidel id-data finali stabbilita fl-Artikolu 7(1);

(b)

sabiex jiġu riveduti l-ħtiġijiet preskritti fl-Artikolu 7(1), (2) u (3);

(c)

sabiex jiġu stabbiliti rekwiżiti komuni addizzjonali, b'mod partikolari fir-rigward tal-kwistjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 7(7).

10.   Sat-30 ta' Ġunju 2018, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-progress li għamlu l-Istati Membri sabiex ineħħu l-ostakli regolatorji u mhux regolatorji msemmijin fl-Artikolu 19(1). Din il-valutazzjoni għandha tkun segwita, jekk ikun xieraq, minn proposti għal aktar miżuri.

11.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel pubblikament disponibbli r-rapporti msemmijin fil-paragrafi 1 u 2.

Artikolu 25

Pjattaforma online

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi pjattaforma online biex titrawwem l-implimentazzjoni prattika ta' din id-Direttiva fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali. Dik il-pjattaforma għandha tappoġġa l-iskambju ta' esperjenzi fuq il-prattiki, il-punti ta' riferiment, l-attivitajiet ta' netwerking, kif ukoll il-prattiki innovattivi.

Artikolu 26

Proċedura ta' Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 27

Emendi u Revoka

1.   Id-Direttiva 2006/32/KE hija revokata mill-5 ta' Ġunju 2014, minbarra għall-Artikolu 4(1) sa (4) tagħha l-Annessi I, III u IV għaliha, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri relatati mal-limitu ta' żmien għat-traspożizzjoni tagħha fil-liġi nazzjonali. L-Artikolu 4(1) sa (4) tal-Annessi I, III u IV għad-Direttiva 2006/32/KE għandhom jiġu mħassra b'effett mill-1 ta' Jannar 2017.

Id-Direttiva 2004/8/KE hija rrevokata mill-5 ta' Ġunju 2014, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri relatati mal-limitu ta' żmien għat-traspożizzjoni tagħha fil-liġi nazzjonali.

Ir-referenzi għad-Direttivi 2006/32/KE u 2004/8/KE għandhom jitqiesu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni stabbilita fl-Anness XV.

2.   L-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva 2010/30/UE huwa mħassar mill-5 ta' Ġunju 2014.

3.   Id-Direttivas 2009/125/KE hija emendata kif ġej:

(1)

tiddaħħal il-premessa li ġejja:

“(35a)

Id-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 19 ta’ Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (*) teħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu rekwiżiti għall-prestazzjoni tal-enerġija bħall-bini ta' elementi li jagħmlu parti mill-allokazzjoni għall-bini u rekwiżiti tas-sistema fir-rigward tal-prestazzjoni ġenerali tal-enerġija, l-installazzjoni xierqa, u d-dimensjonar, aġġustament u kontroll xierqa tas-sistemi tekniċi għall-bini li jkunu installati fil-bini eżistenti. Huwa konsistenti mal-objettivi ta' din id-Direttiva li dawn ir-rekwiżiti jistgħu f'ċerti ċirkostanzi jillimitaw l-installazzjoni ta' prodotti relatati mal-enerġija li jikkonformaw ma' din id-Direttiva u l-miżuri ta' implimentazzjoni tagħha, dment li tali rekwiżiti ma jikkostitwixxux ostakolu mhux ġustifikat għas-suq.

(*)  ĠU L 153, 18.6.2010, p. 13.”;"

(2)

is-sentenza li ġejja tiżdied mal-aħħar tal-Artikolu 6(1):

“Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti dwar il-prestazzjoni u r-rekwiżiti għas-sistema stabbiliti mill-Istati Membri f'konformità mal-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2010/31/UE.”.

Artikolu 28

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sal-5 ta' Ġunju 2014.

Minkejja l-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikolu 4, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1), l-Artikolu 5(5), l-Artikolu 5(6), l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 7(9), l-Artikolu 14(6), l-Artikolu 19(2), l-Artikolu 24(1) u l-Artikolu 24(2) u l-punt (4) tal-Anness V sad-dati speċifikati fihom.

Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta' dawn id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 29

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 30

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, il-25 ta’ Ottubru 2012.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

A. D. MAVROYIANNIS


(1)  ĠU C 24, 28.1.2012, p. 134.

(2)  ĠU C 54, 23.2.2012, p. 49.

(3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Settembru 2012 (għadha mhijiex ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-4 ta' Ottubru 2012.

(4)  ĠU L 114, 27.4.2006, p. 64.

(5)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 136.

(6)  ĠU L 52, 21.2.2004, p. 50.

(7)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16.

(8)  ĠU L 153, 18.6.2010, p. 13.

(9)  ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

(10)  ĠU L 211, 14.8.2009, p. 55.

(11)  ĠU L 211, 14.8.2009, p. 94.

(12)  ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17.

(13)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 114.

(14)  ĠU L 211, 14.8.2009, p. 15.

(15)  ĠU L 211, 14.8.2009, p. 36.

(16)  ĠU L 1, 5.1.2010, p. 10.

(17)  ĠU L 310, 9.11.2006, p. 15.

(18)  ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10.

(19)  ĠU L 153, 18.6.2010, p. 1.

(20)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

(21)  ĠU L 304, 14.11.2008, p. 1.

(22)  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114.

(23)  ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.

(24)  ĠU L 216, 20.8.2009, p. 76.

(25)  ĠU L 197, 21.7.2001, p. 30.

(26)  ĠU L 343, 23.12.2011, p. 91.

(27)  ĠU L 24, 29.1.2008, p. 8.

(28)  ĠU L 191, 23.7.2010, p. 28.


ANNESS I

IL-PRINĊIPJI ĠENERALI GĦALL-KALKOLU TAL-ELETTRIKU MILL-KOĠENERAZZJONI

Parti I

Il-prinċipji ġenerali

Il-valuri użati għall-kalkolu tal-elettriku mill-koġenerazzjoni għandhom ikunu ddeterminati fuq il-bażi tat-tħaddim tal-unità mistenni jew effettiv f'kundizzjonijiet ta' użu normali. Għall-unitajiet ta' mikrokoġenerazzjoni, il-kalkolu jista' jkun ibbażat fuq valuri ċċertifkati.

(a)

Il-produzzjoni tal-elettriku mill-koġenerazzjoni għandha titqies bħala ugwali għall-produzzjoni annwali totali tal-elettriku tal-unità mkejla fl-iżbokk tal-ġeneraturi ewlenin;

(i)

f'unitajiet ta' koġenerazzjoni tat-tipi (b), (d), (e), (f), (g) u (h) imsemmijia f'Parti II, b'effiċjenza annwali totali ffissata mill-Istati Membri f'livell ta' mill-inqas 75 %; u

(ii)

f'unitajiet ta' koġenerazzjoni tat-tip (a) u (c) imsemmija f'Parti II b'effiċjenza annwali totali ffissata mill-Istati Membri f'livell ta' mill-inqas 80 %.

(b)

F'unitajiet ta' koġenerazzjoni b'effiċjenza annwali totali taħt il-valur imsemmi fil- punt (i) tal-punt (a) (unitajiet ta' koġenerazzjoni tat-tipi (b), (d), (e), (f), (g), u (h) imsemmija fil-Parti II) jew b'effiċjenza annwali totali taħt il-valur imsemmi fil- punt (ii) tal-punt (a) (unitajiet ta' koġenerazzjoni tat-tipi (a) u (c) imsemmija fil-Parti II) il-koġenerazzjoni tiġi kkalkolata skont il-formula li ġejja:

ECHP=HCHP*C

fejn:

 

ECHP hija l-ammont ta' elettriku mill-koġenerazzjoni;

 

C hija l-proporzjon tal-enerġija għas-sħana;

 

HCHP hija l-ammont ta'sħana siewja mill-koġenerazzjoni (ikkalkolat għal dan il-għan bħala l-produzzjoni totali ta' sħana bit-tnaqqis ta' kwalunkwe sħana prodotta f'boljers separati jew bl-estrazzjoni ta' fwar taħt pressjoni (live steam) mill-ġeneratur tal-fwar qabel it-turbina).

Il-kalkolu tal-elettriku mill-koġenerazzjoni għandu jkun ibbażat fuq il-proporzjon effettiv tal-enerġija għas-sħana. Jekk il-proporzjon effettiv tal-enerġija għas-sħana tal-unità ta' koġenerazzjoni mhuwiex magħruf, jistgħu jintużaw il-valuri awtomatiċi li ġejjin, b'mod partikolari għal finijiet statistiċi, għal unitajiet tat-tip (a), (b), (c), (d) u (e) msemmija f'Parti II, bil-kundizzjoni li l-elettriku mill-koġenerazzjoni kkalkolat ikun inqas jew ugwali għall-produzzjoni totali tal-elettriku tal-unità:

Tip ta 'l-unità

Setgħa Default għal enerġija termali, C

Flimkien ċiklu turbina tal-gass bl-irkupru tas-sħana

0,95

Turbina tal-fwar pressjoni lura

0,45

Turbina tal-fwar estrazzjoni kondensazzjoni

0,45

Turbina tal-gass bl-irkupru tas-sħana

0,55

Magna ta 'kombustjoni interna

0,75

Jekk l-Istati Membri jintroduċu valuri awtomatiċi għall-proporzjonijiet tal-enerġija għas-sħana għall-unitajiet tat-tip (f), (g), (h), (i), (j) u (k) imsemmija fil-Parti II, tali valuri awtomatiċi għandhom jiġu ppubblikati u nnotifikati lill-Kummissjoni.

(c)

Jekk sehem mill-kontenut tal-enerġija tal-input tal-karburant fil-proċess ta' koġenerazzjoni jiġi rkuprat f'kimiċi u rriċiklat, dan is-sehem jista' jiġi mnaqqas mill-input tal-karburant qabel ma tiġi kkalkolata l-effiċjenza totali użata fil-punti (a) u (b).

(d)

L-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw il-proporzjon tal-enerġija għas-sħana bħala l-proporzjon tal-elettriku għas-sħana siewja meta t-tħaddim isir fil-modalità ta' koġenerazzjoni b'kapaċità iktar baxxa fejn tintuża d-data operattiva tal-unità speċifika.

(e)

L-Istati Membri jistgħu jużaw perijodi ta' rappurtaġġ oħrajn minflok ta' sena għall-għan tal-kalkoli skont il-punti (a) u (b).

Parti II

It-Teknoloġiji ta' koġenerazzjoni koperti minn din id-Diretttiva

(a)

Turbina tal-gass b'ċiklu kkombinat bl-irkupru tas-sħana

(b)

Turbina ta' kontropressjoni tal-fwar

(c)

Turbina ta' estrazzjoni bil-kondensazzjoni tal-fwar

(d)

Turbina tal-gass bl-irkupru ta' sħana

(e)

Magna li taħdem bil-kombustjoni interna

(f)

Mikroturbini

(g)

Magni Stirling

(h)

Ċelloli tal-karburant

(i)

Magni tal-fwar

(j)

Ċikli organiċi Rankine

(k)

Kwalunkwe tip ieħor ta' teknoloġija jew kombinazzjoni ta' teknoloġiji li jaqa' taħt id-definizzjoni stabbilità fl-Artikolu 2(30).

Meta jimplimentaw u japplikaw il-prinċipji ġenerali għall-kalkolu tal-elettriku mill-koġenerazzjoni, l-Istati Membri għandhom jużaw il-Linji Gwida dettaljati stabbiliti bid-Deċiżjoni 2008/952/KE tad-19 ta’ Novembru 2008 li tistabbilixxi linji ta’ gwida dettaljati għall-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-Anness II tad-Direttiva 2004/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).


(1)  ĠU L 338, 17.12.2008, p. 55.


ANNESS II

METODOLOĠIJA BIEX TKUN IDDETERMINATA L-EFFIĊJENZA TAL-PROĊESS TA’ KOĠENERAZZJONI

Il-valuri użati għall-kalkolu tal-effiċjenza tal-koġenerazzjoni u tal-iffrankar tal-enerġija primarja għandhom jiġu ddeterminati fuq il-bażi tat-tħaddim mistenni jew effettiv tal-unità f'kundizzjonijiet tal-użu normali.

(a)   Koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva l-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja għandha tissodisfa l-kriterji li ġejjin:

produzzjoni ta' koġenerazzjoni minn unitajiet ta' koġenerazzjoni għandha tipprovdi ffrankar tal-enerġija primarja kkalkulat skont punt (b) ta' mill-inqas 10 % meta mqabbel mar-referenzi għall-produzzjoni separata tas-sħana u l-elettriku,

produzzjoni minn unitajiet ta' skala żgħira u mikro koġenerazzjoni li jipprovdu ffrankar tal-enerġija primarja, jistgħu jikkwalifikaw bħala koġenerazzjoni ta' effiċjenza għolja.

(b)   Kalkolu tal-iffrankar tal-enerġija primarja

L-ammont ta' ffrankar tal-enerġija primarja pprovdut minn produzzjoni ta' koġenerazzjoni ddefinit skont l-Anness I għandu jiġi kkalkolat fuq il-bażi tal-formula li ġejja:

Formula

Fejn:

 

PES hija l-iffrankar tal-enerġija primarja.

 

CHP Hη hija l-effiċjenza tas-sħana tal-produzzjoni ta' koġenerazzjoni ddefinita bħala l-output annwali ta' sħana siewja diviż bl-input ta' karburant użat sabiex tkun prodotta s-somma tal-output ta' sħana siewja u ta' elettriku mill-koġenerazzjoni.

 

Ref Hη hija l-valur ta' referenza għall-effiċjenza għal produzzjoni separata tas-sħana.

 

CHP Eη hija l-effiċjenza elettrika tal-produzzjoni ta' koġenerazzjoni ddefinita bħala l-elettriku annwali mill-koġenerazzjoni diviż bl-input ta' karburant użat sabiex tkun prodotta s-somma tal-output ta' sħana siewja u ta' elettriku mill-koġenerazzjoni. Fejn unità ta' koġenerazzjoni tiġġenera enerġija mekkanika, l-elettriku annwali mill-koġenerazzjoni jista' jitkabbar b'element addizzjonali li jirrappreżenta l-ammont ta' elettriku li huwa ekwivalenti għal dak tal-enerġija mekkanika. Dan l-element addizzjonali ma joħloqx dritt għall-ħruġ ta' garanziji tal-oriġini skont l-Artikolu 14(10).

 

Ref Eη hija l-valur ta' referenza għall-effiċjenza għal produzzjoni separata tal-elettriku.

(c)   Kalkoli ta' ffrankar tal-enerġija bl-użu ta' kalkolu alternattiv

L-Istati Membri jistgħu jikkalkolaw l-iffrankar tal-enerġija primarja minn produzzjoni ta' sħana u ta' elettriku u ta' enerġija mekkanika, kif indikat iktar 'l isfel, mingħajr ma japplikaw l-Anness I sabiex jeskludu l-partijiet tas-sħana u tal-elettriku mhux mill-koġenerazzjoni tal-istess proċess. Produzzjoni ta' din ix-xorta tista' tiġi kkunsidrata bħala koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja sakemm tissodisfa l-kriterji tal-effiċjenza fil-punt (a) ta' dan l-Anness u, għall-unitajiet ta' koġenerazzjoni b'kapaċità elettrika ta' iktar minn 25 MW, l-effiċjenza totali tkun ta' iktar minn 70 %. Madankollu, l-ispeċifikazzjoni tal-kwantità ta' elettriku mill-koġenerazzjoni prodotta fi produzzjoni ta' din ix-xorta, għall-ħruġ ta' garanzija tal-oriġini u għal finijiet statistiċi, għandha tkun iddeterminata skont l-Anness I.

Jekk l-iffrankar tal-enerġija primarja ta' proċess jiġi kkalkolat permezz tal-kalkolu alternattiv, kif indikat iktar 'il fuq, l-iffrankar tal-enerġija primarja għandu jiġi kkalkolat permezz tal-formula fil-paragrafu (b) ta' dan l-Anness bis-sostituzzjoni ta':“CHP Hη” bi “Hη” u“CHP Eη” bi “Eη”, fejn:

Hη għandha tfisser l-effiċjenza tas-sħana tal-proċess, iddefinita bħala l-output annwali ta' sħana diviż bl-input tal-karburant użat sabiex tkun prodotta s-somma tal-output ta' sħana u tal-output ta' elettriku.

Eη għandha tfisser l-effiċjenza tal-elettriku tal-proċess, iddefinita bħala l-output annwali tal-elettriku diviż bl-input tal-karburant użat sabiex tkun prodotta s-somma tal-output ta' sħana u tal-output ta' elettriku. Fejn unità ta' koġenerazzjoni tiġġenera enerġija mekkanika, l-elettriku annwali mill-koġenerazzjoni jista' jitkabbar b'element addizzjonali li jirrappreżenta l-ammont ta' elettriku li huwa ekwivalenti għal dak tal-enerġija mekkanika. Dan l-element addizzjonali mhuwiex se joħloq dritt għall-ħruġ ta' garanziji tal-oriġini skont l-Artikolu 14(10).

(d)   L-Istati Membri jistgħu jużaw perijodi ta' rappurtaġġ oħrajn minflok ta' sena għall-għan tal-kalkoli skont il-punti (b) u (c) ta' dan l-Anness.

(e)   Għall-unitajiet ta' mikrokoġenerazzjoni, il-kalkolu tal-iffrankar tal-enerġija primarja jista' jkun ibbażat fuq data ċċertifikata.

(f)   Valuri ta' referenza għall-effiċjenza għall-produzzjoni separata ta' sħana u elettriku

Il-valuri armonizzati ta' referenza għall-effiċjenza għandhom jikkonsistu f'matriċi ta' valuri differenzjati skont fatturi rilevanti, inkluża s-sena tal-kostruzzjoni u t-tipi ta' karburant, u jridu jkunu bbażati fuq analiżi dokumentata sew li tqis, fost l-oħrajn, id-data mill-użu operattiv f'kundizzjonijiet realistiċi, it-taħlita tal-karburanti u l-kundizzjonijiet klimatiċi kif ukoll it-teknoloġiji ta' koġenerazzjoni applikati.

Il-valuri ta' referenza għall-effiċjenza għal produzzjoni separata ta' sħana u ta' elettriku skont il-formula stabbilita fil-punt (b) għandhom jistabbilixxu l-effiċjenza operattiva tal-produzzjoni separata tas-sħana u tal-elettriku li l-koġenerazzjoni hija maħsuba li tissostitwixxi.

Il-valuri ta' referenza għall-effiċjenza għandhom jiġu kkalkolati skont il-prinċipji li ġejjin:

1.

Għall-unitajiet ta' koġenerazzjoni il-paragun ma' produzzjoni separata tal-elettriku għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipju li jiġu mqabbla l-istess kategoriji ta' karburanti.

2.

Kull unità ta' koġenerazzjoni għandha titqabbel mal-aħjar teknoloġija disponibbli u ekonomikament ġustifikabbli għall-produzzjoni separata tas-sħana u l-elettriku fis-suq fis-sena tal-kostruzzjoni tal-unità ta' koġenerazzjoni.

3.

Il-valuri ta' referenza għall-effiċjenza għall-unitajiet ta' koġenerazzjoni li jkollhom iktar minn għaxar snin għandhom jiġu stabbiliti fuq il-bażi tal-valuri ta' referenza ta' unitajiet li jkollhom għaxar snin.

4.

Il-valuri ta' referenza għall-effiċjenza għall-produzzjoni separata tal-elettriku u għall-produzzjoni separata tas-sħana għandhom jirriflettu d-differenzi klimatiċi bejn l-Istati Membri.


ANNESS III

REKWIŻITI TAL-EFFIĊJENZA FL-ENERĠIJA GĦAX-XIRI TA’ PRODOTTI, SERVIZZI U BINI MILL-GVERN ĊENTRALI

Gvernijiet ċentrali li jixtru prodotti, servizzi jew bini, dment li dawn ikunu konsistenti mal-kosteffettività, il-fattibbiltà ekonomika, sostenibbiltà ikbar, l-istabilità teknika, kif ukoll kompetizzjoni suffiċjenti, għandhom:

(a)

fejn prodott ikun kopert minn att iddelegat adottat skont id-Direttiva 2010/30/UE jew b'direttiva implimentattiva tal-Kummissjoni relatata, jixtru biss il-prodotti li jikkonformaw mal-kriterju li jkunu jappartjenu għall-ogħla klassi ta' effiċjenza fl-enerġija possibbli fid-dawl tal-ħieġa li tiġi żgurata kompetizzjoni suffiċjenti;

(b)

fejn prodott li ma jkunx kopert taħt punt a) jkun kopert minn miżura ta' implimentazzjoni skont id-Direttiva 2009/125/KE adottata wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, jixtru biss prodotti li jikkonformaw mal-parametri ta' effiċjenza fl-enerġija speċifikati f'dik il-miżura ta' implimentazzjoni;

(c)

jixtru prodotti ta' tagħmir tal-uffiċċji koperti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/1005/KE tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar il-konlużjoni tal-Ftehim bejn il-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika u l-Komunità Ewropea dwar il-koordinazzjoni ta’ programmi ta’ tikkettar tal-użu effiċjenti tal-enerġija għat-tagħmir tal-uffiċċji (1) li jikkonformaw ma' rekwiżiti ta' effiċjenza fl-enerġija mhux inqas stretti minn dawk elenkati fl-Anness C għall-Ftehim mehmuż ma' dik id-Deċiżjoni;

(d)

jixtru biss tajers li jikkonformaw mal-kriterju li jkollhom l-ogħla klassi ta' effiċjenza fl-enerġija fl-użu tal-karburant, kif definit mir-Regolament (KE) Nru 1222/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar it-tikkettar tat-tajers fir-rigward tal-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil u parametri essenzjali oħra (2). Dan ir-rekwiżit ma għandux jipprevjeni lill-korpi pubbliċi milli jixtru tajers bl-ogħla klassi tal-qbid fuq l-imxarrab jew tal-istorbju estern tad-tidwir, fejn dan ikun iġġustifikat minn raġunijiet ta' sikurezza jew ta' saħħa pubblika;

(e)

jeżiġu fis-sejħiet għall-offerti tagħhom għal kuntratti ta' servizzi li l-fornituri tas-servizzi jużaw, għall-għanijiet tal-forniment tas-servizzi involuti, biss prodotti li jikkonformaw mar-rekwiżiti msemmija fil-punti (a) sa (d), meta jipprovdu s-servizzi inkwistjoni. Dan ir-rekwiżit għandu japplika biss għal prodotti ġodda mixtrija mill-fornituri tas-servizzi parzjalment jew totalment għall-għan li jagħtu s-servizz inkwistjoni;

(f)

jixtru, jew jagħmlu ftehimiet ta' kiri ġodda, biss għal bini li jkun konformi mill-inqas mar-rekwiżiti minimi tal-prestazzjoni tal-enerġija msemmija fl-Artikolu 5(1) sakemm l-għan tax-xiri ma jkunx:

(i)

sabiex iwettaq rinnovazzjoni kompleta jew demolizzjoni;

(ii)

fil-każ ta' korpi pubbliċi, sabiex jerġa' jbiegħ il-bini mingħajr ma jużah għall-finijiet tal-korp pubbliku, jew

(iii)

li jippreservah bħala bini uffiċjalment protett bħala parti minn ambjent ikklassifikat, jew minħabba l-mertu arkitettoniku jew storiku speċjali tiegħu.

Il-konformità ma' dawn ir-rekwiżiti għandha tkun ivverifikata permezz taċ-ċertifikati tal-prestazzjoni tal-enerġija msemmijin fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2010/31/UE.


(1)  ĠU L 381, 28.12.2006, p. 24.

(2)  ĠU L 342, 22.12.2009, p. 46.


ANNESS IV

IL-KONTENUT TAL-ENERĠIJA TA’ FJUWILS MAGĦŻULA GĦALL-UŻU AĦĦARI – TABELLA TA’ KONVERŻJONI  (1)

Prodott tal-enerġija

kJ (NCV)

kgoe (NCV)

kWh (NCV)

1 kg kokk

28 500

0,676

7,917

1 kg faħam iebes

17 200 — 30 700

0,411 — 0,733

4,778 — 8,528

1 kg maltunelli ta' faħam kannella

20 000

0,478

5,556

1 kg linjite iswed

10 500 — 21 000

0,251 — 0,502

2,917 — 5,833

1 kg faħam kannella

5 600 — 10 500

0,134 — 0,251

1,556 — 2,917

1 kg shale taż-żejt

8 000 — 9 000

0,191 — 0,215

2,222 — 2,500

1 kg pit

7 800 — 13 800

0,186 — 0,330

2,167 — 3,833

1 kg maltunelli tal-pit

16 000 — 16 800

0,382 — 0,401

4,444 — 4,667

1 kg żejt tal-karburant residwu (żejt tqil)

40 000

0,955

11,111

1 kg żejt tal-karburant ħafif

42 300

1,010

11,750

1 kg spirtu tal-magni (petrol)

44 000

1,051

12,222

1 kg paraffin

40 000

0,955

11,111

1 kg gass taż-żejt mhux raffinat likwifikat

46 000

1,099

12,778

1 kg gass naturali (2)

47 200

1,126

13,10

1 kg gass naturali likwifikat

45 190

1,079

12,553

1 kg injam (umdità ta' 25 %) (3)

13 800

0,330

3,833

1 kg gerbub/briks tal-injam

16 800

0,401

4,667

1 kg skart

7 400 — 10 700

0,177 — 0,256

2,056 — 2,972

1 MJ sħana derivata

1 000

0,024

0,278

1 kWh enerġija elettrika

3 600

0,086

1  (4)

Sors: Eurostat.


(1)  Member States may apply different conversion factors if these can be justified.

(2)  93 % metan.

(3)  L-Istati Membri jistgħu japplikaw valuri oħrajn skont it-tip ta' njam l-iktar użat fl-Istat Membru rispettiv.

(4)  Applikabbli meta l-iffrankar tal-enerġija jiġi kkalkolat f'termini ta' enerġija primarja fejn jintuża approċċ minn isfel għal fuq ibbażat fuq il-konsum tal-enerġija finali. Għall-iffrankar f'kWh tal- elettriku, l-Istati Membri jistgħu japplikaw koeffiċjent awtomatiku ta' 2,5. L-Istati Membri jistgħu japplikaw koeffiċjent differenti bil-kundizzjoni li jkunu jistgħu jiġġustifikawh.


ANNESS V

Metodi u prinċipji komuni biex jiġi kkalkulat l-impatt ta' skemi tal-obbligi tal-effiċjenza fl-enerġija jew miżuri ta' politika oħrajn skont l-Artikolu 7(1), (2) u (9) u l-Artikolu 20(6)

1.

Il-metodi biex jiġi kkalkulat l-iffrankar tal-enerġija għall-finijiet tal-Artikolu 7(1) u (2), u l-punti (b), (c), (d), (e) u (f) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(9), u l-Artikolu 20(6)

Partijiet obbligati, parteċipanti jew fdati jew awtoritajiet pubbliċi implimentattivi jistgħu jużaw wieħed jew aktar mill-metodi li ġejjin biex jikkalkulaw l-iffrankar tal-enerġija:

(a)

iffrankar stmat, b'referenza għar-riżultati ta' titjib preċedenti fl-enerġija mmonitorjat preċedentement b'mod indipendenti f'installazzjonijiet simili. L-approċċ ġeneriku jissejjaħ ex-ante;

(b)

iffrankar imkejjel bl-arloġġi, fejn l-iffrankar mill-installazzjoni ta' miżura, jew pakkett ta' miżuri, jiġi ddeterminat permezz tar-reġistrazzjoni tat-tnaqqis proprju fl-użu tal-enerġija, filwaqt li jitqiesu fatturi bħall-addizzjonalità, l-okkupazzjoni tal-bini, il-livelli ta' produzzjoni u t-temp li jistgħu jaffettwaw il-konsum. L-approċċ ġeneriku jissejjaħ ex-post.

(c)

iffrankar skalat, fejn jintużaw stimi tal-inġinerija tal-iffrankar. Dan l-approċċ jista' jintuża biss fejn l-istabbiliment ta' data mkejla robusta għal stallazzjoni speċifika jkun diffiċli jew sproporzjonatament għali pereżempju s-sostituzzjoni ta' kompressur jew mutur tal-elettriku b'rata ta' kWh differenti minn dak li għalih tkejlet l-informazzjoni indipendenti dwar l-iffrankar, jew fejn isiru fuq il-bażi ta' metodoloġiji u punti ta' riferiment nazzjonali stabbiliti minn esperti kwalifikati jew akkreditati li huma indipendenti mill-partijiet obbligati, parteċipanti jew fdati involuti;

(d)

iffrankar mistħarreġ, fejn tiġi ddeterminata r-reazzjoni tal-konsumaturi għall-parir, kampanji ta' informazzjoni, skemi ta' tikkettar jew ċertifikazzjoni, jew arloġġi intelliġenti. Dan l-approċċ jista' jintuża biss għal iffrankar li jirriżulta minn bidliet fl-imġiba tal-konsumatur. Ma jistax jintuża għal iffrankar li jirriżulta mill-installazzjoni ta' miżuri fiżiċi.

2.

Fid-determinazzjoni tal-iffrankar tal-enerġija għal miżura ta' effiċjenza fl-enerġija għall-finijiet tal-Artikolu 7(1) u (2), u l-punti (b), (c), (d), (e) u (f) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(9) u l-Artikolu 20(6) għandhom japplikaw il-prinċipji li ġejjin:

(a)

jista' jingħata kreditu biss għall iffrankar li jaqbeż il-livelli li ġejjin:

(i)

standards tal-Unjoni għall-prestazzjoni dwar l-emissjonijiet għal karozzi ġodda tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief ġodda wara l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 li jistabbilixxi standards ta’ rendiment għall-emissjonijiet minn karozzi ġodda tal-passiġġieri bħala parti mill-approċċ integrat tal-Komunità biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ CO2 minn vetturi ħfief (1) u r-Regolament (UE) Nru 510/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2011 li jistabbilixxi standards ta’ rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda bħala parti mill-approċċ integrat tal-Unjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi ħfief (2), rispettivament;

(ii)

rekwiżiti tal-Unjoni relatati mat-tneħħija mis-suq ta' ċerti prodotti relatati mal-enerġija wara l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' implimentazzjoni skont id-Direttiva 2009/125/KE; u

(b)

biex iqisu l-varjazzjonijiet klimatiċi bejn ir-reġjuni, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jaġġustaw l-iffrankar għal valur standard jew li jagħtu ffrankar tal-enerġija differenti skont il-varjazzjonijiet fit-temperatura bejn ir-reġjuni;

(c)

l-attivitajiet tal-parti obbligata, parteċipanti jew fdata għandhom ikunu evidentement rilevanti għall-kisba tal-iffrankar sostnut;

(d)

l-iffrankar minn azzjoni individwali ma jistax jiġi sostnut minn iktar minn parti waħda;

(e)

il-kalkolu tal-iffrankar tal-enerġija għandu jqis it-tul ta' ħajja tal-miżuri. Dan jista' jsir billi jingħadd l-iffrankar li kull persuna individwali tikseb bejn id-data ta' implimentazzjoni tiegħu u l-31 ta' Diċembru 2020. Inkella, l-Istati Membri jistgħu jadottaw metodu ieħor li huwa stmat li jikseb mill-inqas l-istess kwantità totali ta' ffrankar. Meta jużaw metodi oħrajn, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ammont totali ta' ffrankar tal-enerġija kkalkulat b'dawn il-metodi l-oħra ma jaqbiżx l-ammont ta' ffrankar tal-enerġija li kien jirriżulta mill-kalkolu tagħhom meta jingħadd l-iffrankar li kull azzjoni individwali kienet tikseb bejn id-data ta' implimentazzjoni tiegħu u l-31 ta' Diċembru 2020. L-Istati Membri għandhom jiddeskrivu fid-dettall l-ewwel Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali għall-Effiċjenza fl-Enerġija tagħhom skont l-Anness XIV ta' din id-Direttiva, liema metodi oħrajn użaw u liema dispożizzjonijiet saru biex jiġi żgurat dan ir-rekwiżit vinkolanti għal kalkolu; u

(f)

l-azzjonijiet minn partijiet obbligati, parteċipanti jew fdati, individwalment jew flimkien, li jkollhom l-għan li jwasslu għal trasformazzjoni dejjiema ta' prodotti, apparat, jew swieq f'livell ogħla ta' effiċjenza fl-enerġija huma permessi; u

(g)

fil-promozzjoni tat-teħid ta’ miżuri ta’ effiċjenza fl-enerġija, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jinżammu l-istandards ta’ kwalità għall-prodotti, is-servizzi u l-installazzjoni ta’ miżuri. Fejn standards bħal dawn ma jeżistux, l-Istati Membri għandhom jaħdmu ma' partijiet obbligati, parteċipanti jew fdati biex jintroduċuhom.

3.

Fid-determinazzjoni tal-iffrankar tal-enerġija minn miżuri ta' politika applikati skont il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(9), għandhom japplikaw il-prinċipji li ġejjin:

(a)

il-kreditu għandu jingħata biss għal iffrankar tal-enerġija minn miżuri ta' tassazzjoni li jaqbeż il-livelli minimi ta' tassazzjoni applikabbli għall-karburanti kif meħtieġ fid- Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku (3) jew fid-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (4); u

(b)

data uffiċjali reċenti u rappreżentattiva dwar l-elastiċità tal-prezz għandha tintuża għall-kalkolu tal-impatt; u

(c)

l-iffrankar tal-enerġija minn strumenti ta' politika tat-tassazzjoni li jakkumpanjawhom, inkluż inċentivi fiskali jew pagament għal fond, għandu jitqies separatament.

4.

Notifika tal-metodoloġija

L-Istati Membri għandhom, sal-5 ta' Diċembru 2013, jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-metodoloġija dettaljata proposta tagħhom għat-tħaddim tal-iskemi ta' obbligi ta' effiċjenza fl-enerġija u għall-finijiet tal-Artikolu 7(9) u l-Artikolu 20(6). Minbarra fil-każ tat-taxxi, notifika bħal din għandha tinkludi dettalji ta':

(a)

partijiet obbligati, parteċipanti jew fdati jew awtoritajiet pubbliċi implimentattivi;

(b)

setturi fil-mira;

(c)

il-livell tal-mira ta' ffrankar tal-enerġija jew iffrankar mistenni li għandu jikseb fuq il-perijodu sħaħ u intermedji;

(d)

it-tul tal-perijodu obbligatorju u perijodi intermedji;

(e)

kategoriji ta' miżuri eliġibbli;

(f)

il-metodoloġija tal-kalkolu, inkluż kif għandhom jiġu ddeterminati l-addizzjonalità u l-materjalità u liema metodoloġiji u punti ta' riferiment jintużaw għall-istimi tal-inġinerija;

(g)

tul tal-ħajja tal-miżuri;

(h)

l-approċċ meħud biex jiġu indirizzati l-varjazzjonijiet klimatiċi fl-Istat Membru;

(i)

l-istandards ta' kwalità;

(j)

protokolli ta' monitoraġġ u verifika u kif l-indipendenza ta' dawn mill-partijiet obbligati, parteċipanti jew fdati tista' tiġi żgurata;

(k)

protokolli ta' verifika u

(l)

kif jittieħed kont tal-ħtieġa li jiġi sodisfatt ir-rekwiżit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(1).

Fil-każ tat-taxxi, in-notifika għandha tinkludi dettalji ta':

(a)

is-setturi u t-taqsima ta' min iħallas it-taxxa fil-mira;

(b)

l-awtorità pubblika implimentattiva;

(c)

l-iffrankar li mistenni jinkiseb;

(d)

it-tul tal-miżura ta' tassazzjoni u perijodi intermedji; u

(e)

il-metodoloġija tal-kalkolu, inkluż liema elastiċità tal-prezz tintuża.


(1)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 1.

(2)  ĠU L 145, 31.5.2011, p. 1.

(3)  ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.

(4)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.


ANNESS VI

Kriterji minimi għall-verifiki tal-enerġija inklużi dawk li jsiru bħala parti mis-sistemi tal-ġestjoni tal-enerġija

Il-verifiki tal-enerġija msemmija fl-Artikolu 8 għandhom ikunu bbażati fuq il-linji gwida li ġejjin:

(a)

ikunu bbażati fuq data operattiva aġġornata, imkejla u traċċabbli fuq il-konsum tal-enerġija u (għall-elettriku) il-profili tat-tagħbija;

(b)

jinkludu rieżami dettaljat tal-profil tal-konsum tal-enerġija ta' bini jew gruppi ta' bini, operazzjonijiet jew installazzjonijiet industrijali, inkluż it-trasport;

(c)

jibbażaw, meta possibbli, fuq analiżi tal-ispiża taċ-ċiklu tal-ħajja (LCCA) minflok Perijodi ta' Ripagament Sempliċi (SPP) sabiex jittieħed kont tal-iffrankar fit-tul, il-valuri residwali tal-investimenti fit-tul u r-rati ta' skont;

(d)

ikunu proporzjonati, u suffiċjentement rappreżentattivi biex jippermettu t-tfassil ta' stampa affidabbli tal-prestazzjoni ġenerali tal-enerġija u l-identifikazzjoni affidabbli tal-aktar opportunitajiet sinifikanti għal titjib.

Il-verifiki tal-enerġija għandhom jippermettu kalkoli dettaljati u vvalidati għall-miżuri proposti sabiex tiġi pprovduta informazzjoni ċara fuq l-iffrankar potenzjali.

Id-data użata fil-verifiki tal-enerġija għandha tkun tista' tinħażen għall-analiżi storika u t-traċċar tal-prestazzjoni.


ANNESS VII

Rekwiżiti minimi għal kontijiet u informazzjoni fil-kontijiet ibbażata fuq il-konsum proprju

1.   Rekwiżiti minimi għall-kontijiet

1.1.   Kontijiet ibbażati fuq il-konsum proprju

Biex il-klijenti aħħarin ikunu jistgħu jirregolaw il-konsum tagħhom tal-enerġija, il-kontijiet għandhom isiru fuq il-bażi tal-konsum proprju tal-inqas darba fis-sena, u l-informazzjoni fil-kontijiet għandha tkun disponibbli tal-inqas kull tliet xhur, fuq talba jew fejn il-konsumaturi jkunu għażlu li jirċievu kont elettroniku jew inkella darbtejn fis-sena. Il-gass li jintuża biss għal skopijiet ta' tisjir jista' jkun eżentat minn dan ir-rekwiżit.

1.2.   Informazzjoni minima inkluża fil-kont

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn xieraq, l-informazzjon li ġejja tkun disponibbli għall-klijenti aħħarin f'termini ċari u li jinftiehmu fil-kontijiet, kuntratti, transazzjonijiet, u irċevuti fl-istazzjonijiet ta' distribuzzjoni jew mehmuża magħhom:

(a)

il-prezzijiet effettivi kurrenti u l-konsum effettiv tal-enerġija;

(b)

il-paraguni tal-konsum kurrenti tal-enerġija tal-klijent aħħari mal-konsum għall-istess perijodu fis-sena preċedenti, preferibbilment f'forma grafika;

(c)

l-informazzjoni ta' kuntatt għall-organizzazzjonijiet tal-klijenti aħħarin, għall-aġenziji tal-enerġija jew għal korpi simili, inklużi l-indirizzi tas-siti elettroniċi minn fejn tista' tinkiseb informazzjoni dwar il-miżuri disponibbli għal titjib tal-effiċjenza fl-enerġija, il-profili komparattivi tal-utenti aħħarin u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi oġġettivi għal tagħmir li juża l-enerġija;

Barra minn dan, kull fejn ikun possibbli u siewi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-paraguni ma' klijent aħħari medju normalizzat jew skont parametri ta' referenza fil-kategorija l-istess utent isiru disponibbli għall-klijenti aħħarin f'termini ċari u li jinftiehmu, fil-kontijiet, fil-kuntratti, fit-transazzjonijiet, u fl-irċevuti maħruġin mill-istazzjonijiet ta' distribuzzjoni jew fid-dokumenti mehmużin magħhom..

1.3.   Il-pariri dwar l-effiċjenza fl-enerġija mehmuża mal-kontijiet u rispons ieħor għall-klijenti aħħarin

Meta jibagħtu kuntratti u bidliet fil-kuntratti, u fil-kontijiet li jirċievu l-klijenti jew permezz ta' siti elettroniċi li jindirizzaw lil klijenti individwali, id-distributuri tal-enerġija, l-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni u l-kumpanniji tal-bejgħ tal-enerġija fil-livell tal-konsumatur, għandhom jgħarrfu lill-klijenti tagħhom b'mod ċar u li jinftiehem bl-informazzjoni ta' kuntatt għal ċentri ta' pariri indipendenti għall-konsumaturi, aġenziji tal-enerġija jew istituzzjonijiet simili, inklużi l-indirizzi fuq l-internet tagħhom, fejn jistgħu jiksbu pariri dwar il-miżuri disponibbli tal-effiċjenza fl-enerġija, il-profili tal-parametri ta' referenza għall-konsum tal-enerġija tagħhom u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tat-tagħmir li juża l-enerġija li jistgħu jservu sabiex inaqqsu l-konsum ta' dan it-tagħmir.


ANNESS VIII

Potenzjal għal effiċjenza fit-tisħin u fit-tkessiħ

1.

Il-valutazzjoni komprensiva tal-potenzjali għat-tisħin u għat-tkessiħ imsemmija fl-Artikolu 14(1) għandha tinkludi:

(a)

deskrizzjoni tad-domanda għat-tisħin u għat-tkessiħ;

(b)

tbassir ta' kif din id-domanda ser tinbidel fl-għaxar snin li ġejjin, fejn titqies b'mod partikolari l-evoluzzjoni tad-domanda fil-bini u s-setturi differenti tal-industrija;

(c)

mappa tat-territorju nazzjonali, li tidentifika, filwaqt li tippreserva informazzjoni kummerċjalment sensittiva:

(i)

il-punti tad-domanda għat-tisħin u għat-tkessiħ, inklużi:

muniċipalitajiet u konurbazzjonijiet bi proporzjon ta' art ta' mill-inqas 0,3; u

żoni industrijali b'konsum totali annwali ta' tisħin u ta' tkessiħ ta' iktar minn 20 GWh;

(ii)

l-infrastruttura eżistenti u ppjanata għat-tisħin u għat-tkessiħ distrettwali;

(iii)

il-punti ta' provvista potenzjali tat-tisħin u tat-tkessiħ, inklużi:

l-installazzjonijiet ta' ġenerazzjoni tal-elettriku bi produzzjoni totali annwali tal-elettriku ta' iktar minn 20 GWh; u

l-impjanti ta' inċinerazzjoni tal-iskart;

l-installazzjonijiet ta' koġenerazzjoni eżistenti u ppjanati li jużaw it-teknoloġiji msemmija fil-Parti II tal-Anness VI, u l-installazzjonijiet tat-tisħin distrettwali.

(d)

l-identifikazzjoni tad-domanda għat-tisħin u għat-tkessiħ li tista' tiġi sodisfatta b'koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, inkluża l-mikrokoġenerazzjoni residenzjali, u bit-tisħin u t-tkessiħ distrettwali;

(e)

l-identifikazzjoni tal-potenzjal għal koġenerazzjoni addizzjonali b'effiċjenza għolja, inkluż mir-rinnovazzjoni tal-installazzjonijiet ta' ġenerazzjoni u industrijali eżistenti jew faċilitajiet oħrajn li jiġġeneraw sħana mormija u mill-kostruzzjoni ta' installazzjonijiet ta' ġenerazzjoni u industrijali ġodda jew ta' faċilitajiet oħrajn li jiġġeneraw sħana mormija;

(f)

l-identifikazzjoni ta' potenzjali tal-effiċjenza fl-enerġija tal-infrastruttura tal-elettriku u tat-tisħin u tat-tkessiħ distrettwali;

(g)

strateġiji, politiki u miżuri li jistgħu jiġu adottati sal-2020 u sal-2030 biex jiġi sfruttat il-potenzjal fil-punt (e) sabiex tiġi sodisfatta d-domanda fil-punt (d), inkluż, fejn xieraq, proposti biex:

(i)

jiżdied is-sehem tal-koġenerazzjoni fil-produzzjoni tat-tisħin u tat-tkessiħ u fil-produzzjoni tal-elettriku;

(ii)

tiġi żviluppata infrastruttura effiċjenti għat-tisħin u għat-tkessiħ distrettwali sabiex ikun akkomodat l-iżvilupp ta' koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja u l-użu ta' tisħin u ta' tkessiħ minn sħana mormija u minn sorsi rinnovabbli tal-enerġija;

(iii)

jiġi inkoraġġi li l-installazzjonijiet ġodda ta' ġenerazzjoni tal-elettriku termali u l-impjanti industrijali li jipproduċu sħana mormija jkunu jinsabu f'siti fejn se jiġi rkuprat ammont massimu tas-sħana mormija disponibbli sabiex tkun sodisfatta d-domanda eżistenti jew imbassra għas-sħana u għat-tkessiħ;

(iv)

jiġu inkoraġġiti żoni residenzjali ġodda jew impjanti industrijali ġodda li jikkonsmaw is-sħana fil-proċessi ta' produzzjoni tagħhom ikunu jinsabu fejn is-sħana mormija disponibbli, kif identifikata fil-valutazzjoni komprensiva, tista' tikkontribwixxi biex jiġu sodisfatti d-domandi tagħhom għat-tisħin u t-tkessiħ. Dan jista' jinkludi proposti li jappoġġaw il-ġbir fi gruppi ta' għadd ta' installazzjonijiet individwali fl-istess post bil-ħsieb li jiġi żgurat l-aħjar bilanċ bejn id-domanda u l-provvista għat-tisħin u t-tkessiħ;

(v)

jiġi inkoraġġit li l-installazzjonijiet ta' ġenerazzjoni tal-elettriku termali, l-impjanti industrijali li jipproduċu sħana mormija, l-impjanti ta' inċinerazzjoni tal-iskart u impjanti oħrajn ta' skart għall-enerġija, ikunu konnessi man-netwerk lokali ta' tisħin jew ta' tkessiħ distrettwali;

(vi)

jiġi inkoraġġit li ż-żoni residenzjali u l-impjanti industrijali li jikkonsmaw is-sħana fil-proċessi ta' produzzjoni tagħhom ikunu konnessi man-netwerk lokali ta' tisħin jew ta' tkessiħ distrettwali;

(h)

is-sehem tal-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja u l-potenzjal stabbilit u l-progress imwettaq skont id-Direttiva 2004/8/KE;

(i)

stima tal-enerġija primarja li għandha tiġi ffrankata;

(j)

stima tal-miżuri ta' appoġġ pubbliku għat-tisħin u għat-tkessiħ, jekk ikun hemm, bil-baġit annwali u bl-identifikazzjoni tal-element potenzjali ta' għajnuna. Dan ma jippreġudikax notifika separata tal-iskemi ta' appoġġ pubbliku għal valutazzjoni ta' għajnuna mill-Istat.

2.

Sa fejn ikun xieraq, il-valutazzjoni komprensiva tista' tkun magħmula minn għadd ta' pjani u strateġiji reġjonali jew lokali.


ANNESS IX

ANALIŻI TAL-BENEFIĊĊJI MQABBLA MAL-ISPEJJEŻ

Parti 1

Prinċipji ġenerali tal-analiżi tal-benefiċċji mqabbla mal-ispejjeż

L-għan tat-tħejjija ta' analiżijiet tal-kostbenefiċċji b'rabta ma' miżuri biex tiġi promossa l-effiċjenza fit-tisħin u t-tkessiħ kif imsemmi fl-Artikolu 14(3) huwa li tiġi pprovduta bażi għal deċiżjoni għal prijoritizzazzjoni kwalifikata ta' riżorsi limitati fil-livell tas-soċjetà.

L-analiżi tal-benefiċċji mqabbla mal-ispejjeż tista' tkopri valutazzjoni ta' proġett jew grupp ta' proġetti għal valutazzjoni usa' lokali, reġjonali jew nazzjonali sabiex tiġi stabbilita l-għażla l-aktar kosteffettiva u ta' benefiċċju għat-tisħin u t-tkessiħ għal żona ġeografika partikolari għall-għan tal-ippjanar tat-tisħin.

Analiżijiet tal-benefiċċji mqabbla mal-ispejjeż għall-finijiet tal-Artikolu 14(3) għandhom jinkludu analiżi ekonomika li tkopri fatturi soċjoekonomiċi u ambjentali.

L-analiżijiet tal-benefiċċji mqabbla mal-ispejjeż għandhom jinkludi l-passi u l-konsiderazzjonijiet li ġejjin:

(a)

L-istabbiliment ta' konfini ta' sistema u konfini ġeografiku

L-ambitu tal-analiżijiet tal-benefiċċji mqabbla mal-ispejjeż inkwistjoni jiddetermina s-sistema tal-enerġija rilevanti. Il-konfini ġeografiku għandu jkopri żona ġeografika xierqa ddefinita sew, eż. reġjun partikolari jew żona metropolitana, biex jiġi evitat li jintagħżlu soluzzjonijiet mhux ottimali skont il-proġett.

(b)

Approċċ integrat għal għażliet ta' domanda u provvista

L-analiżi tal-benefiċċji mqabbla mal-ispejjeż għandha tqis ir-riżorsi rilevanti kollha ta' provvista disponibbli fil-konfini tas-sistema u ġeografiku, bl-użu tad-data disponibbli, inkluż is-sħana mormija mill-ġenerazzjoni tal-elettriku u l-installazzjonijiet industrijali u l-enerġija rinnovabbli, u l-karatteristiċi u x-xejriet fid-domanda għat-tisħin u t-tkessiħ.

(c)

Il-ħolqien ta' linja bażi

L-għan ta' linja bażi huwa li jservi bħala punt ta' riferiment, li fuqu jiġu vvalutati x-xenarji alternattivi.

(d)

L-identifikazzjoni ta' xenarji alternattivi

L-alternattivi rilevanti kollha għal-linja bażi għandhom jitqiesu. Xenarji li mhux fattibbli minħabba raġunijiet tekniċi, raġunijiet finanzjarji, regolamentazzjoni nazzjonali jew limiti ta' żmien jistgħu jiġi esklużi fi stadju bikri tal-analiżi tal-benefiċċji mqabbla mal-ispejjeż jekk dan ikun ġustifikat abbazi ta' kunsiderazzjonijiet attenti, espliċiti u dokumentati sew.

Huma biss għażliet ta' koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, sistemi ta' tisħin u tkessiħ distrettwali effiċjenti jew sistemi individwali ta' tisħin u tkessiħ effiċjenti li għandhom jitqiesu fl-analiżi tal-benefiċċji mqabbla mal-ispejjeż bħala xenarji alternattivi mqabbla mal-linja bażi.

(e)

Metodu għall-kalkolu ta' eċċess ta' spejjeż u benefiċċji

(i)

L-ispejjeż u l-benefiċċji totali dejjiema tal-għażliet ta' tisħin u tkessiħ għandhom jiġu vvalutati u mqabblin.

(ii)

Il-kriterju għall-evalwazzjoni għandu jkun il-kriterju tal-valur nett attwali (NPV).

(iii)

Il-medda ta' żmien għandha tintgħażel b'mod li l-ispejjeż u l-benefiċċji rilevanti kollha tax-xenarji jiġu inklużi. Pereżempju, għal impjant li jaħdem bil-gass medda xierqa ta' żmien tista' tkun ta' 25 sena, għal sistema ta' tisħin distrettwali, 30 sena, jew għal tagħmir tat-tisħin bħal bojlers, 20 sena.

(f)

Il-kalkolu u t-tbassir tal-prezzijiet u stimi oħrajn għall-analiżi ekonomika

(i)

L-Istati Membri għandhom jipprovdu stimi, għall-finijiet tal-analiżijiet tal-benefiċċji mqabbla mal-ispejjeż, fuq il-prezzijiet ta' fatturi ewlenin ta' input u output u r-rata ta' tnaqqis.

(ii)

Ir-rata ta' tnaqqis użata fl-analiżi ekonomika għall-kalkolu tal-valur nett preżenti għandha tintgħażel skont il-linji gwida Ewropej jew nazzjonali (1).

(iii)

L-Istati Membri għandhom jużaw tbassir tal-iżvilupp tal-prezz tal-enerġija nazzjonali Ewropew jew internazzjonali jekk ikun xieraq fil-kuntest nazzjonali u/jew reġjonali/lokali tagħhom.

(iv)

Il-prezzijiet użati fl-analiżi ekonomika għandhom jirriflettu l-ispejjeż u l-benefiċċji soċjoekonomiċi reali u għandhom jinkludu spejjeż esterni, bħall-effetti ambjentali u ta' saħħa safejn possibbli, jiġifieri meta jkun hemm prezz tas-suq jew meta dan ikun diġà inkluż for-regolamentazzjoni Ewropea jew nazzjonali.

(g)

Analiżi ekonomika: Inventarju tal-effetti

L-analiżijiet ekonomiċi għandhom jieħdu kont tal-effetti ekonomiċi rilevanti kollha.

L-Istati Membri jistgħu jivvalutaw u jieħdu kont fit-teħid ta' deċiżjonijiet tal-ispejjeż u l-iffrankar tal-enerġija mill-flessibbiltà miżjuda fil-provvista tal-enerġija u minn tħaddim aktar ottimali tan-netwerks tal-elettriku, inklużi l-ispejjeż evitati u l-iffrankar mill-investiment imnaqqas fl-infrastruttura, fix-xenarji analizzati.

L-ispejjeż u l-benefiċji meqjusa għandhom jinkludu mill-inqsas dawn li ġejjin:

(i)

Benefiċċji

Valur tal-output għall-konsumatur (tisħin u elettriku)

Benefiċċji esterni bħall-benefiċċji ambjentali jew ta' saħħa, safejn possibbli.

(ii)

Spejjeż

Spejjeż kapitali ta' impjanti u tagħmir

Spejjeż kapitali tan-netwerks tal-enerġija assoċjati

Spejjeż ta' tħaddim varjabbli u fissi

Spejjeż tal-enerġija

Spiża ambjentali u ta' saħħa, safejn possibbli

(h)

Analiżi ta' sensittività:

Analiżi ta' sensittività għandha tiġi inkluża biex jiġu vvalutati l-ispejjeż u l-benefiċċji ta' proġett jew grupp ta' proġetti bbażati fuq prezzijiet ta' enerġija differenti, rati ta' tnaqqis u fatturi varjabbli oħrajn b'impatt sinifikanti fuq l-eżitu tal-kalkoli.

L-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtoritajiet kompetenti responsabbli mit-twettiq tal-analizijiet tal-benefiċċji mqabbla mal-ispejjeż tal-benefiċċji mqabbla mal-ispejjeż skont l-Artikolu 14. L-Istati Membri jistgħu jitolbu li l-awtoritajiet jew l-operaturi lokali, reġjonali u nazzjonali kompetenti ta' installazzjonijiet individwali jagħmlu l-analiżi ekonomika u finanzjarja. Huma għandhom jipprovdu l-metodoloġiji u s-suppożizzjonijiet dettaljati skont dan l-Anness u jistabbilixxu u jagħmlu pubbliċi l-proċeduri għall-analiżi ekonomika.

Parti 2

Prinċipji għall-għan tal-Artikolu 14(5) u (7)

L-analiżijiet tal-kostbenefiċċji għandhom jipprovdu informazzjoni għall-għan tal-miżuri fl-Artikolu 14(5) u (7):

Jekk tiġi ppjanata installazzjoni tal-elettriku biss jew installazzjoni mingħajr irkupru ta' sħana, għandu jsir tqabbil bejn l-installazzjonijiet ippjanati jew il-modernizzazzjoni ppjanata u installazzjoni ekwivalenti li tipproduċi l-istess ammont ta' elettriku jew sħana fil-proċessi, iżda li tirkupra s-sħana mormija u tipprovdi sħana permezz ta' koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja u/jew netwerks ta' tisħin u tkessiħ distrettwali.

F'konfini ġeografiċi partikolari l-valutazzjoni għandha tieħu kont tal-installazzjoni ppjanata u kwalunkwe punt eżistenti jew potenzjali ta' domanda għas-sħana xierqa li jistgħu jkunu fornuti minnha, b'kont meħud tal-possibbiltajiet razzjonali (pereżempju, l-fattibbiltà teknika u d-distanza).

Il-konfini tas-sistema għandu jinkludi l-installazzjoni ppjanata u t-tagħbijiet tas-sħana, bħall-bini u l-proċess industrijali. F'dan il-konfini tas-sistema, l-ispiża totali tal-forniment tas-sħana u l-enerġija għandha tkun iddeterminata għaż-żewġ każijiet u mqabbla.

It-tagħbijiet tas-sħana għandhom jinkludu t-tagħbijiet tas-sħana eżistenti, bħal installazzjoni industrijali jew sistema ta' tisħin distrettwali eżistenti, u wkoll, f'żoni urbani, it-tagħbija u l-ispiża tas-sħana li jkun hemm jekk grupp ta' bini jew parti minn belt tkun ġiet ipprovduta bi u/jew konnessa ma' netwerk ġdida ta' tisħin distrettwali.

L-analiżi tal-benefiċċji mqabbla mal-ispejjeż għandha tiġi bbażata fuq deskrizzjoni tal-installazzjoni ppjanata u l-installazzjon(ijiet) ta' tqabbil, li tkopri l-kapaċità elettrika u termali, kif applikabbli, it-tip ta' karburant, l-użu ppjanat u l-għadd ta' sigħat ta' tħaddim ippjanati kull sena, il-post u d-domanda għall-elettriku u termali.

Għall-għan tat-tqabbil, għandu jittieħed kont tad-domanda għall-enerġija termali u t-tipi ta' tisħin u tkessiħ użati mill-punti ta' domanda għas-sħana fil-qrib. Il-paragun għandu jkopri l-ispejjeż relatati mal-infrastruttura għall-installazzjoni u l-paragun ippjanati.

Analiżijiet tal-benefiċċji mqabbla mal-ispejjeż għall-finijiet tal-Artikolu 14(5) għandhom jinkludu analiżi ekonomika li tkopri analiżi finanzjarja li tirrifletti t-transazzjonijiet attwali tal-flussi ta' flus kontanti mill-investimenti fi u t-tħaddim ta' installazzjonijiet individwali.

Il-proġetti b'eżitu kosteffiċjenti pożittiv huma dawk fejn it-total tal-benefiċċji skontati fl-analiżi ekonomika u finanzjarja jaqbeż it-total tal-ispejjeż skontati (provvista ta' kostbenefiċċju).

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-prinċipji li jiggwidaw il-metodoloġija, l-istimi u l-medda taż-żmien għall-analiżi ekonomika.

L-Istati Membri jistgħu jitolbu li l-kumpanniji responsabbli mit-tħaddim ta' installazzjonijiet ta' ġenerazzjoni tal-elettriku termali, kumpanniji industrijali, netwerks ta' tisħin u tkessiħ distrettwali, jew partijiet oħrajn influwenzati mill-konfini definit tas-sistema u dak ġeografiku, jikkontribwixxu data għall-użu fil-valutazzjoni tal-ispejjeż u l-benefiċċji ta' installazzjoni individwali.


(1)  Ir-rata ta' tnaqqis nazzjonali magħżula għall-għan tal-analiżi ekonomika għandha tqis id-data mogħtija mill-Bank Ċentrali Ewropew.


ANNESS X

Garanzija tal-oriġini għall-elettriku prodott minn koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja

(a)

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw li:

(i)

il-garanzija tal-oriġini tal-elettriku prodott minn koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja:

tagħmilha possibbli għall-produtturi juru li l-elettriku li jbigħu jkun prodott minn koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja u jinħareġ għal dan il-għan b'reazzjoni għal talba mingħand il-produttur;

tkun preċiża, affidabbli u reżistenti għall-frodi;

tinħareġ, tiġi ttrasferita u tiġi kkanċellata elettronikament;

(ii)

l-istess unità tal-enerġija mill-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja tkun ikkunsidrata darba waħda biss.

(b)

Il-garanzija tal-oriġini msemmija fl-Artikolu 14(10) għandha tinkludi mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(i)

l-identità, il-post, it-tip u l-kapaċità (termali u elettrika) tal-installazzjoni fejn kienet prodotta l-enerġija;

(ii)

id-dati u l-postijiet ta' produzzjoni;

(iii)

il-valur kalorifiku iktar baxx tas-sors tal-karburant li minnu kien prodott l-elettriku;

(iv)

il-kwantità u l-użu tas-sħana ġġenerata flimkien mal-elettriku;

(v)

il-kwantità tal-elettriku minn koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja skont l-Anness II li tirrappreżenta l-garanzija;

(vi)

l-iffrankar tal-enerġija primarja kkalkolat skont l-Anness II fuq il-bażi tal-valuri armonizzati ta' referenza għall-effiċjenza inidikati fil-punt (f) tal-Anness II;

(vii)

l-effiċjenza elettrika u termali nominali tal-impjant;

(viii)

jekk u sa liema punt l-installazzjoni gawdiet minn appoġġ għall-investiment;

(ix)

jekk u sa liema punt l-unità tal-enerġija gawdiet bi kwalunkwe mod ieħor minn skema ta' appoġġ nazzjonali, u t-tip ta' skema ta' appoġġ;

(x)

id-data li fiha l-impjant sar operazzjonali; u

(xi)

id-data u l-pajjiż li joħroġ il-garanzija u numru ta' identifikazzjoni uniku.

Il-garanzija tal-oriġini għandha tkun ta' qies standard ta' 1 MWh. Għandha tkun marbuta mal-output nett ta' elettriku mkejjel fil-parametru tal-istazzjoni u esportat fil-grilja.


ANNESS XI

Kriterji ta' effiċjenza fl-enerġija għar-regolamentazzjoni tan-netwerk tal-enerġija u għat-tariffi tan-netwerk tal-elettriku

1.

It-tariffi tan-netwerk għandhom jirriflettu l-ispejjeż tal-iffrankar tal-ispejjeż fin-netwerks miksuba mil-lat tad-domanda u l-miżuri ta' reazzjoni għad-domanda u l-ġenerazzjoni distribwita, inkluż l-iffrankar mit-tnaqqis tal-ispiża tat-twassil jew tal-investiment fin-netwerks u tħaddim iktar ottimali tan-netwerk.

2.

Ir-regolamentazzjoni u t-tariffi tan-netwerk m'għandhomx jipprevjenu lill-operaturi tan-netwerk jew il-bejjiegħa tal-enerġija milli jagħmlu disponibbli servizzi tas-sistema għal miżuri ta' reazzjoni għad-domanda, ġestjoni tad-domanda u ġenerazzjoni distribwita fis-swieq organizzati tal-elettriku, b'mod partikolari:

(a)

it-trasferiment tat-tagħbija mill-ħinijiet tal-ikbar domanda għal ħinijiet mhux tal-ikbar domanda mill-klijenti aħħarin b'kont meħud tad-disponibbiltà tal-enerġija rinnovabbli, l-enerġija mill-koġenerazzjoni u l-ġenerazzjoni distribwita;

(b)

l-iffrankar tal-enerġija mir-reazzjoni għad-domanda tal-konsumaturi distribwiti mill-aggregaturi tal-enerġija;

(c)

it-tnaqqis tad-domanda minn miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija mwettqa mill-fornituri tas-servizzi ta' enerġija, inklużi l-kumpanniji tas-servizzi ta' enerġija;

(d)

il-konnessjoni u r-rilaxx ta' sorsi ta' ġenerazzjoni f'livelli iktar baxxi ta' vultaġġ;

(e)

il-konnessjoni tas-sorsi ta' ġenerazzjoni minn post eqreb għall-konsum; u

(f)

il-ħżin tal-enerġija.

Għall-finijiet ta' din id-dispożizzjoni, it-terminu “swieq organizzati tal-elettriku” għandu jinkludi s-swieq b'bejgħ dirett u l-boroż tal-enerġija elettrika għall-kummerċ ta' enerġija, ta' kapaċità kif ukoll servizzi ta' bbilanċjar u servizzi anċillari fil-perijodi kollha ta' żmien, inklużi s-swieq bil-quddiem, bil-ġurnata 'l quddiem u ta' dak inhar stess.

3.

It-tariffi tan-netwerk jew tal-bejgħ bl-imnut jistgħu jappoġġaw il-prezz dinamiku għall-miżuri ta' rispota għad-domanda mill-konsuamturi finali, bħal:

(a)

tariffi skont il-ħin tal-użu (time-of-use tariffs);

(b)

ipprezzar għall-ħinijiet kritiċi tal-iktar użu (critical peak pricing);

(c)

ipprezzar f'ħin reali; u

(d)

rifużjonijiet tal-ħinijiet tal-iktar użu.


ANNESS XII

REKWIŻITI TAL-EFFIĊJENZA FL-ENERĠIJA GĦALL-OPERATURI TAS-SISTEMA TA’ TRASMISSJONI U GĦALL-OPERATURI TAS-SISTEMA TA’ DISTRIBUZZJONI

L-operaturi tas-sistemi ta' trasmissjoni u ta' distribuzzjoni għandhom:

(a)

jistabbilixxu u jagħmlu pubbliċi r-regoli standard tagħhom relatati mas-sostenn u mal-kondiviżjoni tal-ispejjeż tal-adattamenti tekniċi, bħall-konnessjonijiet mal-grilja u t-tisħiħ tal-grilja, it-titjib fit-tħaddim tal-grilja u r-regoli dwar implimentazzjoni mhux diskriminatorja tal-kodiċijiet tal-grilja, li huma meħtieġa għall-integrazzjoni tal-produtturi l-ġodda li jalimentaw l-elettriku prodott minn koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja fil-grilja interkonnessa;

(b)

jipprovdu lil kwalunkwe produttur ġdid ta' elettriku prodott minn koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja li jixtieq ikun konness mas-sistema bl-informazzjoni komprensiva u meħtieġa mitluba, inklużi:

(i)

stima komprensiva u dettaljata tal-ispejjeż assoċjati mal-konnessjoni;

(ii)

skeda ta' żmien raġonevoli u preċiża sabiex tasal it-talba u tkun pproċessata għal konnessjoni mal-grilja;

(iii)

skeda ta' żmien indikattiva raġonevoli għal kwalunkwe konnessjoni mal-grilja proposta. Il-proċess ġenerali għall-konnessjoni mal-grilja m'għandux ikun itwal minn 24 xahar, b'kont meħud ta' dak li huwa raġonevolment pratikabbli u mhux diskriminatorju;

(c)

jipprovdu proċeduri standardizzati u ssimplifikati għall-konnessjoni ta' produtturi distribwiti ta' koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja sabiex jiffaċilitaw il-konnessjoni tagħhom mal-grilja.

Ir-regoli standard imsemmija fil-punt (a) għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji fejn b'mod partikolari jkunu kkunsidrati l-ispejjeż u l-benefiċċji kollha assoċjati mal-konnessjoni ta' dawk il-produtturi mal-grilja. Huma jistgħu jipprovdu għal tipi differenti ta' konnessjoni.


ANNESS XIII

Elementi minimi li għandhom jiġu inkużi fil-kuntratti tal-prestazzjoni tal-enerġija mas-settur pubbliku jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-offerta assoċjati

Lista ċara u trasparenti tal-miżuri ta' effiċjenza li għandhom jiġu implimentati jew ir-riżultati tal-effiċjenza li għandhom jinkisbu.

L-iffrankar iggarantit li għandu jinkiseb bl-implimentazzjoni tal-miżuri tal-kuntratt.

It-tul u l-punti ewlenin tal-kuntratt, it-termini u l-perijodu ta' notifika.

Lista ċara u trasparenti tal-obbligi ta' kull parti kontraenti.

Id-data(i) ta' referenza sabiex ikun stabbilit l-iffrankar miksub.

Lista ċara u trasparenti tal-passi li għandhom jitwettqu biex tkun implimentata miżura jew pakkett ta' miżuri u, fejn rilevanti, l-ispejjeż assoċjati.

Obbligu li l-miżuri fil-kuntratt jiġu implimentati b'mod sħiħ u li l-bidliet kollha li jsiru waqt il-proġett jiġu ddokumentati.

Regolamenti li jispeċifikaw l-inklużjoni ta' rekwiżiti ekwivalenti fi kwalunkwe sottokuntrattar ma' partijiet terzi.

Wirja ċara u trasparenti tal-implikazzjonijiet finanzjarji tal-proġett u distribuzzjoni tas-sehem taż-żewġ partijiet fl-iffrankar monetarju miksub (jiġifieri, ir-remunerazzjoni tal-fornitur tas-servizz).

Dispożizzjonijiet ċari u trasparenti dwar il-kejl u l-verifika tal-iffrankar iggarantit miksub, il-kontrolli u l-garanziji tal-kwalità.

Dispożizzjonijiet li jiċċaraw il-proċedura sabiex ikunu indirizzati l-kundizzjonijiet ta' qafas li jinbidlu li jaffettwaw il-kontenut u l-eżitu tal-kuntratt (jiġifieri, prezzijiet tal-enerġija li jinbidlu, l-intensità tal-użu ta' installazzjoni).

Informazzjoni dettaljata tal-obbligi ta' kull wieħed mill-parti kontraenti u tal-penali għall-ksur tagħhom.


ANNESS XIV

QAFAS ĠENERALI GĦAR-RAPPORTAĠĠ

Parti 1

Qafas ġenerali għar-rapporti annwali

Ir-rapporti annwali msemmija fl-Artikolu 24(1) jipprovdu bażi għall-monitoraġġ tal-progress lejn il-miri nazzjonali tal-2020. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rapporti jinkludu l-informazzjoni minima li ġejja:

(a)

stima tal-indikaturi li ġejjin fis-sena qabel l-aħħar (sena X (1) -2):

(i)

il-konsum tal-enerġija primarja;

(ii)

il-konsum totali tal-enerġija finali;

(iii)

il-konsum tal-enerġija finali skont is-settur

l-industrija;

it-trasport (maqsum bejn it-trasport tal-passiġġieri u dak tal-merkanzija, jekk disponibbli)

l-unitajiet domestiċi

is-servizzi;

(iv)

il-valur gross miżjud skont is-settur

l-industrija;

is-servizzi;

(v)

id-dħul disponibbli tal-familji;

(vi)

il-prodott domestiku gross (PDG);

(vii)

il-ġenerazzjoni tal-elettriku mill-ġenerazzjoni tal-enerġija termali;

(viii)

il-ġenerazzjoni tal-elettriku minn sħana u enerġija kkombinati;

(ix)

il-ġenerazzjoni tas-sħana mill-ġenerazzjoni tal-enerġija termali;

(x)

il-ġenerazzjoni tas-sħana minn impjanti ta' sħana u enerġija kkombinati, inkluż sħana mormija industrijali;

(xi)

l-input ta' karburant għall-ġenerazzjoni tal-enerġija termali;

(xii)

kilometri tal-passiġġieri (pkm), jekk disponibbli;

(xiii)

kilometri tat-tunnellati (tkm), jekk disponibbli;

(xiv)

kilometri ta' trasport ikkombinat (pkm + tkm), fil-każ li (xii) u (xiii) ma jkunux disponibbli;

(xv)

il-popolazzjoni;

F'setturi fejn il-konsum tal-enerġija jibqa' stabbli jew qed jikber, l-Istati Membri għandhom janalizzaw ir-raġunijiet għal dan u jehmżu l-evalwazzjoni tagħhom mal-istimi.

It-tieni rapport u dawk sussegwenti għandhom jinkludu wkoll il-punti (b) sa (e):

(b)

aġġornamenti ta' miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżattivi ewlenin implimentati fis-sena preċedenti li jagħtu kontribut għall-miri nazzjonali kumplessivi għall-effiċjenza fl-enerġija għall-2020;

(c)

id-daqs totali tal-wiċċ l-art tal-binjiet b'daqs totali tal-wiċċ tal-art siewi ta' iktar minn 500 m2 u mid-9 ta' Lulju 2015 iktar minn 250 m2 li tkun il-proprjetà tal-gvern ċentrali tal-Istati Membri tiegħu u okkupata minnu li, fl-1 ta' Jannar tas-sena meta għandu jitressaq ir-rapport, ma ssodisfatx ir-rekwiżiti għall-prestazzjoni tal-enerġija msemmija fl-Artikolu 5(1);

(d)

id-daqs totali ta' wiċċ l-art tal-binjiet imsaħħna u/jew imkessħa li huma l-proprjetà tal-gvern ċentrali tal-Istati Membri u okkupati minnu li ġie rinnovat fis-sena preċedenti msemmi fl-Artikolu 5(1) jew l-ammont ta' ffrankar ta' enerġija f'binjiet eliġibbli li huma l-proprjetà tal-gvern ċentrali tagħhom u okkupati minnu kif imsemmi fl-Artikolu 5(6);

(e)

l-iffrankar tal-enerġija miksub permezz tal-iskemi nazzjonali ta' obbligi ta' effiċjenza fl-enerġija msemmija fl-Artikolu 7(1) jew il-miżuri alternattivi adottati fl-applikazzjoni tal-Artikolu 7(9).

L-ewwel rapport għandu jinkludu wkoll il-mira nazzjonali msemmija fl-Artikolu 3(1).

Fir-rapporti annwali msemmija fl-Artikolu 24(1) l-Istati Membri jistgħu jinkludu wkoll miri nazzjonali addizzjonali. Dawn jistgħu ikunu marbuta b'mod partikolari mal-indikaturi statistiċi elenkati fil-punt (a) ta' din il-Parti jew kombinazzjonijiet tagħhom, bħall-intensità enerġetika primarja jew finali jew intensitajiet enerġetiċi settorjali.

Parti 2

Qafas ġenerali għall-Pjani ta' Azzjoni Nazzjonali għall-Effiċjenza fl-Enerġija

Il-Pjani ta' Azzjoni Nazzjonali għall-Effiċjenza fl-Enerġija imsemmija fl-Artikolu 24(2) għandhom jipprovdu qafas għall-iżvilupp tal-istrateġiji nazzjonali għall-effiċjenza fl-enerġija.

Il-Pjani ta' Azzjoni Nazzjonali għall-Effiċjenza fl-Enerġija għandhom ikopru miżuri għat-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija u l-iffrankar tal-enerġija mistenni/miksub sinifikanti, inklużi dawk fil-provvista, fit-trasmissjoni u fid-distribuzzjoni tal-enerġija kif ukoll fl-użu aħħari tal-enerġija. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Pjani ta' Azzjoni Nazzjonali għall-Effiċjenza fl-Enerġija jinkludu l-informazzjoni minima li ġejja:

1.

Miri u strateġiji

il-mira nazzjonali indikattiva għall-effiċjenza fl-enerġija għall-2020 kif inhu mitlub mill-Artikolu 3(1);

il-mira indikattiva nazzjonali ta' ffrankar tal-enerġija stabbilita fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2006/32/KE;

miri eżistenti oħrajn għall-effiċjenza fl-enerġija li jindirizzaw l-ekonomija kollha jew setturi speċifiċi.

2.

Miżuri u ffrankar tal-enerġija

Il-Pjani ta' Azzjoni Nazzjonali għall-Effiċjenza fl-Enerġija għandhom jipprovdu informazzjoni dwar il-miżuri adottati jew li hu ppjanat li jiġu adottati bil-ħsieb li jiġu implimentati l-elementi ewlenin ta' din id-Direttiva u dwar l-iffrankar relatat tagħhom.

(a)

Iffrankar tal-enerġija primarja

Il-Pjani ta' Azzjoni Nazzjonali għall-Effiċjenza fl-Enerġija għandhom jelenkaw miżuri u azzjonijiet sinfikanti meħuda għall-iffrankar tal-enerġija primarja fis-setturi kollha tal-ekonomija. Għal kull miżura jew għal kull pakkett ta' miżuri/azzjonijiet għandhom ikunu pprovduti stimi tal-iffrankar mistenni għall-2020 u l-iffrankar miksub sa żmien ir-rappurtaġġ.

Fejn disponibbli, għandha tingħata informazzjoni dwar impatti/benefiċċji oħrajn tal-miżuri (tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gass serra, titjib fil-kwalità tal-arja, il-ħolqien tal-impjiegi, eċċ.) u dwar il-baġit għall-implimentazzjoni.

(b)

Iffrankar tal-enerġija finali

L-ewwel u t-tieni Pjani ta' Azzjoni Nazzjonali għall-Effiċjenza fl-Enerġija għandhom jinkludu r-riżultati fir-rigward tal-kisba tal-mira għall-iffrankar tal-enerġija finali stabbilita fl-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 2006/32/KE. Jekk il-kalkolu/stima tal-iffrankar għal kull miżura ma jkunx disponibbli, għandu jintwera t-tnaqqis fl-enerġija fil-livell tas-settur minħabba (l-kombinazzjoni) ta' miżuri.

L-ewwel u t-tieni Pjani ta' Azzjoni Nazzjonali għall-Effiċjenza fl-Enerġija għandhom jinkludu wkoll il-metodoloġija tal-kejl u/jew tal-kalkolu użata biex jiġi kkalkolat l-iffrankar tal-enerġija. Jekk il-“metodoloġija rakkomandata (2)” tiġi applikata, il-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali għall-Effiċjenza fl-Enerġija għandu jipprovdi referenzi għal dan.

3.

Informazzjoni speċifika relatata ma' din id-Direttiva

3.1.

Korpi pubbliċi (Artikolu 5)

Il-Pjani ta' Azzjoni Nazzjonali għall-Effiċjenza fl-Enerġija għandhom jinkludu l-lista ta' korpi pubbliċi li jkunu żviluppaw pjan għall-effiċjenza fl-enerġija skont l-Artikolu 5(7).

3.2.

Obbligi tal-effiċjenza fl-enerġija (Artikolu 7)

Il-Pjani ta' Azzjoni Nazzjonali għall-Effiċjenza fl-Enerġija għandhom jinkludu l-koeffiċjenti nazzjonali magħżula skont l-Anness IV.

L-ewwel Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali għall-Effiċjenza fl-Enerġija għandu jinkludi deskrizzjoni qasira tal-iskema nazzjonali msemmija fl-Artikolu 7(1) jew il-miżuri alternattivi adottati b'applikazzjoni tal-Artikolu 7(9).

3.3.

Verifiki u sistemi ta' ġestjoni tal-enerġija (Artikolu 8)

Il-Pjani ta' Azzjoni Nazzjonali għall-Effiċjenza fl-Enerġija għandhom jinkludu:

(a)

l-għadd ta' verifiki tal-enerġija mwettqa fil-perijodu preċedenti;

(b)

l-għadd ta' verifiki tal-enerġija mwettqa fl-impriżi l-kbar fil-perijodu preċedenti;

(c)

l-għadd ta' kumpanniji kbar fit-territorju tagħhom, b'indikazzjoni tal-għadd ta' dawk li japplika għalihom l-Artikolu 8(5).

3.4.

Promozzjoni ta' tisħin u ta' tkessiħ effiċjenti (Artikolu 14)

Il-Pjani ta' Azzjoni Nazzjonali għall-Effiċjenza fl-Enerġija għandhom jinkludu valutazzjoni tal-progress miksub fl-implimentazzjoni tal-valutazzjoni komprensiva msemmija fl-Artikolu 14(1).

3.5.

Trasmissjoni u distribuzzjoni tal-enerġija (Artikolu 15)

L-ewwel Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali għall-Effiċjenza fl-Enerġija u r-rapporti sussegwenti mistennija kull 10 snin minn dakinhar 'il quddiem għandhom jinkludu l-valutazzjoni magħmula, il-miżuri u l-investimenti identifikati biex jiġu utilizzati l-potenzjali ta' effiċjenza fl-enerġija tal-infrastruttura tal-gass u tal-elettriku msemmija fl-Artikolu 15(2).

3.6.

L-Istati Membri għandhom jirrapportaw, bħala parti mill-Pjani ta' Azzjoni Nazzjonali għall-Effiċjenza fl-Enerġija, dwar il-miżuri li ttieħdu biex jippermettu u jiżviluppaw ir-risposta għad-domanda kif imsemmi fl-Artikolu 15.

3.7.

Disponibbilta' ta' skemi ta' kwalifika, akkreditazzjoni u ċertifikazzjoni (Artikolu 16)

Il-Pjani ta' Azzjoni Nazzjonali għall-Effiċjenza fl-Enerġija għandhom jinkludu informazzjoni dwar l-iskemi ta' kwalifika, akkreditazzjoni u ċertifikazzjoni jew l-iskemi ta' kwalifiki ekwivalenti disponibbli għall-fornituri tas-servizzi ta' enerġija, il-verifiki tal-enerġija u l-miżuri għal titjib tal-effiċjenza fl-enerġija.

3.8.

Servizzi tal-Enerġija (Artikolu 18)

Il-Pjani ta' Azzjoni Nazzjonali għall-Effiċjenza fl-Enerġija għandhom jinkludu link tal-internet għas-sit elettroniku fejn il-lista jew il-pjattaforma tal-fornituri tas-servizzi tal-enerġija msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 18(1) jistgħu jkunu aċċessibbli.

3.9.

Miżuri oħrajn għall-promozzjoni tal-effiċjenza fl-enerġija (Artikolu 19)

L-ewwel Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali għall-Effiċjenza fl-Enerġija għandu jinkludi lista tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 19(1).


(1)  X=sena kurrenti.

(2)  Rakkomandazzjonijiet dwar il-Metodi ta' Kejl u ta' Verifika fil-qafas tad-Direttiva 2006/32/KE dwar Effiċjenza fl-Użu Finali tal-Enerġija u dwar Servizzi ta' Enerġija.


ANNESS XV

Tabella tal-korrelazzjoni

Id-Direttiva 2004/8/KE

Din id-Direttiva

Artikolu 1

Artikolu 1(1)

Artikolu 2

Artikolu 1(1)

Artikolu 3, punt (a)

Artikolu 2, punt (30)

Artikolu 3, punt (b)

Artikolu 2, punt (32)

Artikolu 3, punt (c)

Artikolu 2, punt (31)

Artikolu 3, punt (d)

Artikolu 2, punt (33)

Artikolu 3, punt (e) u (f)

Artikolu 3, punt (g)

Artikolu 2, punt (35)

Artikolu 3, punt (h)

Artikolu 3, punt (i)

Artikolu 2, punt (34)

Artikolu 3, punt (j)

Artikolu 3, punt (k)

Artikolu 2, punt (36)

Artikolu 3, punt (l)

Artikolu 2, punt (37)

Artikolu 3, punt (m)

Artikolu 2, punt (39)

Artikolu 3, punt (n)

Artikolu 2, punt (38)

Artikolu 3, punt (o)

Artikolu 2, punt (40),(41), (42), (43) u (44)

Artikolu 4(1)

Anness II, punt (f), l-ewwel subpunt

Artikolu 4(2)

Artikolu 14(10), it-tieni subparagrafu

Artikolu 4(3)

Artikolu 5

Artikolu 14(10), l-ewwel subparagrafu u l-Anness X

Artikolu 6

Artikolu 14(1), u (3), l-Anness VIII u IX

Artikolu 7(1)

Artikolu 14(11)

Artikolu 7(2) u (3)

Artikolu 8

Artikolu 15(5)

Artikolu 15(6), (7), (8) u (9)

Artikolu 9

Artikolu 10(1) u (2)

Artikolu 14(1) u 24(2), Anness XIV, Parti 2

Artikolu 10(3)

Artikolu 24(6)

Artikolu 11

Artikolu 24(3)

Artikolu 24(5)

Artikolu 12 (1) u (3)

Artikolu 12 (2)

Anness II, punt (c)

Artikolu 13

Artikolu 22(2)

Artikolu 14

Artikolu 15

Artikolu 28

Artikolu 16

Artikolu 17

Artikolu 29

Artikolu 18

Artikolu 30

Anness I

Anness I, Parti II

Anness II

Anness I, Parti I u Parti II, l-aħħar subparagrafu

Anness III

Anness II

Anness IV

Anness VIII

Anness IX


Id-Direttiva 2006/32/KE

Din id-Direttiva

Artikolu 1

Artikolu 1(1)

Artikolu 2

Artikolu 1(1)

Artikolu 3, punt (a)

Artikolu 2, punt (1)

Artikolu 3, punt (b)

Artikolu 2, punt (4)

Artikolu 3, punt (c)

Artikolu 2, punt (6)

Artikolu 3, punt (d)

Artikolu 2, punt (5)

Artikolu 2, punti (2) u (3)

Artikolu 3 punt (e)

Artikolu 2, punt (7)

Artikolu 3, punti (f), (g), (h) u (i)

Artikolu 2, punti (8) sa (19)

Artikolu 3, punt (j)

Artikolu 2, punt (27)

Artikolu 2, punt (28)

Artikolu 3, punt (k)

Artikolu 3, punt (l)

Artikolu 2, punt (25)

Artikolu 2, punt (26)

Artikolu 3, punt (m)

Artikolu 3, punt (n)

Artikolu 2, punt (23)

Artikolu 3, punt (o)

Artikolu 2, punt (20)

Artikolu 3, punt (p)

Artikolu 2, punt (21)

Artikolu 3, punt (q)

Artikolu 2, punt (22)

Artikolu 3, punti (r) u (s)

Artikolu 2, punti (24), (29), (44) u (45)

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikoli 5 u 6

Artikolu 6(1)(a)

Artikolu 7(8), punti (a) u (b)

Artikolu 6 (1)(b)

Artikolu 18(3)

Artikolu 6 (2)

Artikolu 7(1), (5), (6), (7), (9), (10), (11) u (12)

Artikolu 7(2) u (3)

Artikolu 6 (3)

Artikolu 18(2), punti (b) u (c)

Artikolu 6 (5)

Artikolu 7

Artikolu 17

Artikolu 8

Artikolu 16(1)

Artikolu 16(2) u (3)

Artikolu 9(1)

Artikolu 19

Artikolu 9(2)

Artikolu 18(1) punt (d), subpunt (i)

Artikolu 18(1), punti (a), (b), (c), (d), subpunt (ii), u (e)

Artikolu 10(1)

Artikolu 15(4)

Artikolu 10(2)

Artikolu 15(3)

Artikolu 15(7), (8) u (9)

Artikolu 11

Artikolu 20

Artikolu 12(1)

Artikolu 8(1)

Artikolu 12(2)

Artikolu 8(2), (3), (4), (5), (6) u (7)

Artikolu 12(3)

Artikolu 13(1)

Artikolu 9

Artikolu 13(2)

Artikolu 10 u Anness VII, punt 1.1

Artikolu 13(3)

Anness VII, punti 1.2 u 1.3

Artikolu 11

Artikolu 12

Artikolu 13

Artikolu 15(1) u (2)

Artikolu 18(2), punti (a) u (d)

Artikolu 21

Artikolu 14(1) and (2)

Artikolu 24(1) u (2)

Artikolu 14(3)

Artikolu 14(4) and (5)

Artikolu 24(3)

Artikolu 24(4) u (7) sa (11)

Artikolu 22(1)

Artikolu 15(1)

Artikolu 22(2)

Artikolu 15(2), (3) and (4)

Artikolu 23

Artikolu 25

Artikolu 16

Artikolu 26

Artikolu 17

Artikolu 27

Artikolu 18

Artikolu 28

Artikolu 19

Artikolu 29

Artikolu 20

Artikolu 30

Anness I

Anness II

Anness IV

Anness III

Anness IV

Anness V

Anness VI

Anness III

Anness V

Anness VI

Anness VII

Anness XI

Anness XII

Anness XIII

Anness XIV

Anness XV


14.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 315/57


DIRETTIVA 2012/29/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-25 ta' Ottubru 2012

li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 82(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

L-Unjoni stipulat għaliha stess l-objettiv li żżomm u tiżviluppa żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja msejsa fuq il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili u kriminali.

(2)

L-Unjoni hija impenjata għall-protezzjoni ta', u għat-twaqqif ta' standards minimi fir-rigward tal-vittmi ta' atti kriminali u l-Kunsill adotta id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI tal-15 ta' Marzu 2001 dwar il-pożizzjoni tal-vittmi fil-proċedimenti kriminali (4). Skont il-Progamm ta’ Stokkolma - Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini (5), li ġie adottat mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu tal-10 u tal-11 ta’ Diċembru 2009, il-Kummissjoni u l-Istati Membri ġew mitluba jeżaminaw kif se jiġu mtejba l-leġislazzjoni u l-miżuri prattiċi ta’ appoġġ għall-protezzjoni tal-vittmi, b'attenzjoni speċjali għas-sostenn u r-rikonoxximent tal-vittmi kollha, inkluż għall-vittmi tat-terroriżmu, bħala prijorità.

(3)

L-Artikolu 82(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi l-istabbiliment tar-regoli minimi applikabbli fl-Istati Membri sabiex ikunu ffaċilitati r-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji u l-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali ta’ natura transkonfinali, b'mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet tal-vittimi tal-kriminalità.

(4)

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ġunju 2011 dwar Pjan direzzjonali biex jiġu msaħħa d-drittijiet u l-protezzjoni tal-vittmi b'mod partikolari fi proċedimenti kriminali (6), (“il-Pjan Direzzjonali ta' Budapest”) il-Kunsill iddikjara li għandha tittieħed azzjoni fil-livell tal-Unjoni sabiex jissaħħu d-drittijiet ta', l-appoġġ għal u l-protezzjoni tal-vittimi tal-kriminalità. Għal dan il-għan u f'konformità ma' dik ir-riżoluzzjoni, din id-Direttiva għandha l-għan li tirrevedi u tissupplimenta l-prinċipji stipulati fid-Deċiżjoni Qafas 2001/220/ĠAI u li jittieħdu passi 'l quddiem sinifikanti fil-livell tal-protezzjoni tal-vittmi fl-UE kollha, b'mod partikolari fil-qafas tal-proċedimenti kriminali.

(5)

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Novembru 2009 dwar l-eliminazzjoni tal-vjolenza fuq in-nisa (7) appellat lill-Istati Membri biex itejbu l-liġijiet u l-politiki nazzjonali tagħhom biex jiġu miġġielda l-forom kollha ta' vjolenza fuq in-nisa u biex jaġixxu bil-ħsieb li jingħelbu r-raġunijiet tal-vjolenza fuq in-nisa, billi jadottaw b'mod partikolari miżuri preventivi, u appella lill-Unjoni biex tiggarantixxi d-dritt għall-għajnuna u l-appoġġ għall-vittmi kollha tal-vjolenza.

(6)

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' April 2011 dwar prijoritajiet u punti prinċipali ta' qafas politiku ġdid tal-UE rigward il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa (8) il-Parlament Ewropew ippropona strateġija għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa, il-vjolenza domestika u l-mutilazzjoni ġenitali femminili bħala bażi għal strumenti leġislattivi tad-dritt kriminali futuri kontra l-vjolenza abbażi tas-sessi, inkluż qafas għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa (politika, prevenzjoni, protezzjoni, prosekuzzjoni, proviżjoni u sħubija) li għandu jiġi segwit minn pjan ta' azzjoni tal-Unjoni. Ir-regolamentazzjoni internazzjonali f'dan il-qasam tinkludi l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) adottata fit-18 ta' Diċembru 1979, ir-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-Kumitat CEDAW, u l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika adottata fis-7 ta' April 2011.

(7)

Id-Direttiva 2011/99/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar l-ordni Ewropea ta' protezzjoni (9) tistabbilixxi mekkaniżmu għar-rikonoxximent reċiproku tal-miżuri ta' protezzjoni f'materji kriminali bejn l-Istati Membri. Id-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu (10) u d-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija (11) jindirizzaw, inter alia, il-ħtiġijiet speċifiċi tal-kategoriji partikolari tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal,il-pedopornografija.

(8)

Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/475/ĠAI tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (12), tirrikonoxxi li t-terroriżmu jikkostitwixxi wieħed mill-akbar vjolazzonijiet tal-prinċipji li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, inkluż il-prinċipju tad-demokrazija u tikkonferma illi huwa jikkostitwixxi, inter alia, theddida għall-eżerċizzju ħieles tad-drittijiet tal-bniedem.

(9)

Il-kriminalità hija dannu kontra s-soċjetà kif ukoll ksur tad-drittijiet individwali tal-vittmi. Għalhekk, il-vittmi tal-kriminalità għandhom jiġu rikonoxxuti u trattati b'rispett u b'mod sensittiv u professjonali mingħajr diskriminazzjoni ta' kwalunkwe tip ibbażata fuq kwalunkwe raġuni bħar-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew twemmin, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, li wieħed ikun membru ta' minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, is-sessi, l-espressjoni tas-sessi, l-identità tas-sessi, l-orjentazzjoni sesswali, l-istatus ta' residenza jew l-istat ta' saħħa. Fil-kuntatti kollha ma' kull awtorità kompetenti li topera fil-kuntest ta' proċedimenti kriminali, u kull servizz li jiġi f'kuntatt mal-vittmi, bħas-servizzi ta' appoġġ għall-vittmi jew ta' ġustizzja restorattiva, għandhom jitqiesu s-sitwazzjoni personali u l-ħtiġijiet immedjati, l-età, is-sess, diżabbiltà possibbli u l-livell ta' maturità tal-vittmi tal-kriminalità filwaqt li tiġi rispettata bis-sħiħ l-integrità fiżika, mentali u morali tagħhom. Il-vittmi tal-kriminalità għandhom jiġu protetti minn vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta mill-intimidazzjoni u mir-ritaljazzjoni, għandhom jirċievu appoġġ xieraq biex jiġi ffaċilitat l-irkupru tagħhom u għandhom jingħataw aċċess suffiċjenti għall-ġustizzja.

(10)

Din id-Direttiva ma tindirizzax il-kundizzjonijiet ta' residenza tal-vittmi ta' atti kriminali fit-territorju tal-Istati Membri. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li d-drittijiet stabbiliti f'din id-Direttiva ma jsirux kundizzjonali fuq l-istatus ta' residenza tal-vittma fit-territorju tagħhom jew fuq iċ-ċittadinanza jew in-nazzjonalità tal-vittma. Ir-rappurtar ta' att kriminali jew il-parteċipazzjoni fi proċedimenti kriminali ma joħolqu ebda dritt fir-rigward tal-istatus ta' residenza tal-vittma.

(11)

Din id-Direttiva tistipula regoli minimi. L-Istati Membri jistgħu jestendu d-drittijiet stipulati f’din id-Direttiva bil-għan li jipprovdu livell ogħla ta' protezzjoni.

(12)

Id-drittijiet stipulati f'din id-Direttiva huma mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-awtur ta' ksur. L-użu tat-terminu "awtur ta' ksur" jirreferi għalpersuna li tkun ġiet misjuba ħatja ta' reat. Madanakollu, għall-finijiet ta' din id-Direttiva, huwa jirreferi wkoll għal persuna suspettata jew akkużata qabel kwalunkwe rikonoxximent ta' ħtija jew kundanna, u huwa mingħajr preġudizzju għall-preżunzjoni ta' innoċenza.

(13)

Din id-Direttiva tapplika għar-reati kriminali mwettqa fl-Unjoni u għall-proċedimenti kriminali li jsiru fl-Unjoni. Hija tagħti drittijiet lill-vittmi ta' reati extraterritorjali biss fir-rigward tal-proċedimenti kriminali li jsiru fl-Unjoni. L-ilmenti li jsiru lill-awtoritajiet kompetenti barra mill-Unjoni, bħall-ambaxxati, ma jagħtux bidu għall-obbligi stipulati f'din id-Direttiva.

(14)

Fl-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, l-aħjar interessi tat-tfal għandhom ikunu konsiderazzjoni primarja, skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal adottata fl-20 ta' Novembru 1989. Vittmi li huma tfal għandhom jitqiesu u jiġu trattati bħala persuni li għandhom b'mod sħiħ id-drittijiet stipulati f'din id-Direttiva u għandhom jiġu intitolati li jeżerċitaw dawk id-drittijiet b'mod li jqis il-kapaċità tagħhom li jiffurmaw il-fehmiet tagħhom stess.

(15)

Fl-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi b'diżabbiltajiet ikunu jistgħu iġawdu bis-sħiħ id-drittijiet stipulati f'din id-Direttiva fuq bażi ugwali ma' persuni oħrajn, inkluż billi jiffaċilitaw l-aċċessibbiltà għall-bini fejn isiru l-proċedimenti kriminali u l-aċċess għall-informazzjoni.

(16)

Il-vittmi tat-terroriżmu ġarrbu attakki li fl-aħħar mill-aħħar huma maħsuba biex jagħmlu ħsara lis-soċjetà. Għaldaqstant huma jistgħu ikunu jeħtieġu attenzjoni, appoġġ u protezzjoni minħabba n-natura partikolari tal-att kriminali li jkun twettaq kontrihom. Il-vittmi tat-terroriżmu jistgħu ikunu taħt skrutinju pubbliku sinifikanti u ta' spiss ikunu jeħtieġu rikonoxximent soċjali u trattament b'rispett mis-soċjetà. Għaldaqstant l-Istati Membri għandhom għalhekk jieħu kont partikolari tal-bżonnijiet tal-vittmi tat-terroriżmu, u għandhom ifittxu li jipproteġu d-dinjità u s-sigurtà tagħhom.

(17)

Il-vjolenza diretta kontra persuna minħabba s-sess ta' dik il-persuna, l-identità tas-sessi jew l-espressjoni tas-sessi jew li taffettwa lil persuni ta' sess partikolari b'mod disproporzjonat, titqies bħala vjolenza abbażi tas-sessi. Din tista' tirriżulta fi ħsara fiżika, sesswali, emozzjonali jew psikoloġika jew telf ekonomiku għall-vittma. Vjolenza abbażi tas-sessi titqies bħala forma ta' diskriminazzjoni u ksur tal-libertajiet fundamentali tal-vittma u tinkludi vjolenza f'relazzjonijiet mill-qrib, vjolenza sesswali (inkluż stupru, attakk u abbuż sesswali), traffikar tal-bnedmin, skjavitù u forom differenti ta' prattiki li jagħmlu l-ħsara, bħal żwiġijiet sfurzati, mutilazzjoni ġenitali femminili u l-hekk imsejjaħ "reati tal-unur". Vittmi nisa ta' vjolenza abbażi tas-sessi u t-tfal tagħhom ta' spiss ikunu jeħtieġu appoġġ u protezzjoni speċjali minħabba r-riskju għoli ta' vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta,ta' intimidazzjoni u ta' ritaljazzjoni marbuta ma' tali vjolenza.

(18)

Meta l-vjolenza ssir f'relazzjoni mill-qrib, din issir minn persuna li tkun konjuġi jew sieħeb/sieħba attwali jew preċedenti jew membru ieħor tal-familja tal-vittma, kemm jekk l-awtur tar-reat jaqsam jew kien jaqsam l-istess dar mal-vittma u kemm jekk dan ma jaqsamx jew ma kienx jaqsam l-istess dar. Tali vjolenza tista' tkopri vjolenza fiżika, sesswali, psikoloġika jew ekonomika u tista' tirriżulta f'dannu fiżiku, mentali jew ħsara emozzjonali jew telf ekonomiku. Il-vjolenza f'relazzjonijiet mill-qrib hija problema soċjali serja u ta' spiss moħbija li tista' tikkawża trawma psikoloġika u fiżika sistematika b'konsegwenzi qawwija minħabba li l-awtur ta' ksur tkun persuna li l-vittma għandha tkun tista' tafda. Għaldaqstant il-vittmi tal-vjolenza f'relazzjonijiet mill-qrib jistgħu ikunu jeħtieġu miżuri speċjali ta' protezzjoni. In-nisa jiġu affettwati b'mod disproporzjonat minn dan it-tip ta' vjolenza u s-sitwazzjoni tista' tkun agħar jekk il-mara tkun dipendenti mill-awtur ta' ksur ekonomikament, soċjalment jew fir-rigward tad-dritt ta' residenza tagħha.

(19)

Persuna għandha titqies li hija vittma irrispettivament minn jekk awtur ta' ksur jiġix identifikat, maqbud, imressaq il-qorti jew jekk jinstabx ħati u irrispettivament mir-relazzjoni ta' familja bejniethom. Huwa possibbli li anki l-membri tal-familja tal-vittmi jsofru d-danni b’riżultat tal-att kriminali. B'mod partikolari, il-membri tal-familja ta' persuna li l-mewt tagħha tkun ġiet ikkawżata direttament minn reat kriminali jista' jsirilhom ħsara b'riżultat tal-att kriminali. Għalhekk, tali membri tal-familja li huma vittmi indiretti tal-att kirminali għandhom ukoll igawdu mill-protezzjoni permezz ta' din id-Direttiva. Madankollu, l-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jistabbilixxu proċeduri biex jillimitaw l-għadd ta' membri tal-familja li jistgħu jibbenefikaw mid-drittijiet stipulati f'din id-Direttiva. Fil-każ tat-tfal, it-tfal jew, sakemm dan ma jkunx kontra l-aħjar interessi tat-tfal, id-detentur tar-responsabbiltà ta' ġenitur f'isem it-tfal għandhom ikunu intitolati jeżerċitaw id-drittijiet stipulati f'din id-Direttiva. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe proċedura jew formalità amministrattiva nazzjonali meħtieġa sabiex jiġi stabbilit li persuna hija vittma.

(20)

Ir-rwol tal-vittmi fis-sistema tal-ġustizzja kriminali u l-possibbiltà li huma jieħdu sehem attiv fil-proċedimenti kriminali jvarja minn Stat Membru għall-ieħor, skont is-sistema nazzjonali, u jiġu ddeterminati minn wieħed jew aktar mill-kriterji li ġejjin:jekk is-sistema nazzjonali tipprevedix status legali bħala parti għall-proċedimenti kriminali; jekk il-vittma tkunx taħt rekwiżit legali jew tkun mitluba tieħu sehem attiv fil-proċedimenti kriminali, per eżempju bħala xhieda; u/jewjekk il-vittma tkunx legalment intitolata skont il-liġi nazzjonali li tieħu sehem attiv fil-proċedimenti kriminali u tkun qed tfittex li tagħmel dan, fejn is-sistema nazzjonali ma tipprevedix li l-vittmi jkollhom status legali bħala parti għall-proċedimenti kriminali. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw liema minn dawk il-kriterji japplikaw biex jiġi ddeterminat l-ambitu tad-drittijiet stipulati f'din id-Direttiva, fejn ikun hemm referenzi għar-rwol tal-vittma fis-sistema tal-ġustizzja kriminali rilevanti.

(21)

L-informazzjoni u l-pariri mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti, mis-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi u tal-ġustizzja restorattiva għandhom jingħataw kemm jista’ jkun permezz ta' firxa ta' mezzi u b'mod li jista' jinftiehem mill-vittma. Tali informazzjoni u pariri għandhom jingħataw b'lingwaġġ sempliċi u aċċessibbli. Għandu jiġi żgurat ukoll li l-vittma tista' tinftiehem waqt il-proċedimenti. F’dan ir-rigward, għandhom jitqiesu l-għarfien mill-vittma tal-lingwa użata biex tingħata l-informazzjoni, l-età, il-maturità, il-kapaċitajiet intellettwali u emozzjonali, il-litteriżmu u kwalunkwe indeboliment mentali jew fiżiku tagħha. Għandhom jitqiesu b'mod partikolari d-diffikultajiet fil-ftehim jew fil-komunikazzjoni li jistgħu ikunu minħabba diżabbiltà ta' xi tip, bħal problemi fis-smigħ jew fil-kliem. Bl-istess mod, għandhom jitqiesu l-limitazzjonijiet fil-kapaċitajiet tal-vittma li tikkomunika l-informazzjoni waqt il-proċedimenti kriminali.

(22)

Il-mument meta jsir l-ilment għandu, għall-finijiet ta' din id-Direttiva, jitqies li jaqa' fil-kuntest tal-proċediment kriminali. Dan għandu jinkludi wkoll sitwazzjonijet fejn l-awtoritajiet ex officio jibdew il-proċedimenti kriminali bħala riżultat ta' reat kriminali mġarrab minn vittma.

(23)

L-informazzjoni dwar ir-rimborż tal-ispejjeż għandha, mill-mument tal-ewwel kuntatt ma' awtorità kompetenti, tingħata pereżempju f'fuljett li jagħti l-kundizzjonijiet bażiċi għal tali rimborż tal-ispejjeż. L-Istati Membri m'għandhomx ikunu mitluba, f'dan l-istadju bikri tal-proċedimenti kriminali, jiddeċiedu dwar jekk il-vittma kkonċernata tissodisfax il-kundizzjonijiet għar-rimborż tal-ispejjeż.

(24)

Meta jirrappurtaw att kriminali, il-vittmi għandhom jirċievu għarfien bil-miktub tal-ilment tagħhom mill-pulizija, li jagħti l-elementi bażiċi tal-att kriminali, bħat-tip ta' att kriminali, il-ħin u l-post, u kwalunkwe ħsara jew dannu kkawżati mill-att kriminali, eċċ. Dan l-għarfien għandu jinkludi numru ta' fajl u l-ħin u l-post għar-rappurtar tal-att kriminali sabiex potenzjalment iservi bħala evidenza li l-att kriminali jkun ġie rrappurtat, pereżempju b'rabta ma' pretensjonijiet ta' assigurazzjoni.

(25)

Mingħajr preġudizzju għal egoli relatati ma' perjodi ta' limitazzjoni, ir-rappurtar tard ta' reat kriminali minħabba l-biża' ta' ritaljazzjoni, umiljazzjoni jew stigmatizzazzjoni, m'għandux iwassal biex jiġi mċaħħad l-għarfien tal-ilment tal-vittma.

(26)

Meta tingħata l-informazzjoni, għandu jingħata biżżejjed dettall biex jiġi żgurat li l-vittmi jiġu trattati b'rispett u biex dawn ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar is-sehem tagħhom fil-proċedimenti. F’dan ir-rigward, l-informazzjoni li tippermetti lill-vittma tkun taf dwar l-istat attwali ta' kwalunkwe proċediment hija partikolarment importanti. Dan huwa rilevanti bl-istess mod għall-informazzjoni li tippermetti lill-vittma tiddeċiedi jekk għandhiex tressaq talba għal reviżjoni ta’ deċiżjoni li ma jiġix mixli l-awtur. Sakemm mhux meħtieġ mod ieħor, għandu jkun possibbli li l-informazzjoni komunikata lill-vittma tingħata jew bil-fomm jew bil-miktub, inkluż permezz ta' mezzi elettroniċi.

(27)

L-informazzjoni lil vittma għandha tintbagħat lill-aħħar indirizz għall-korrispondenza jew dettalji ta' kuntatt elettroniku magħrufa mogħtija lill-awtorità kompetenti mill-vittma. F'każijiet eċċezzjonali, pereżempju minħabba l-għadd kbir ta' vittmi involuti f'każ, għandu jkun possibbli li l-informazzjoni tingħata permezz tal-istampa, permezz ta' websajt uffiċjali tal-awtorità kompetenti jew permezz ta' kwalunkwe mezz ta' komunikazzjoni simili.

(28)

L-Istati Membri m'għandhomx ikunu obbligati jagħtu informazzjoni, fejn l-iżvelar ta' dik l-informazzjoni jista' jaffettwa t-trattament xieraq tal-każ jew jagħmel ħsara lil każ jew persuna partikolari, jew jekk huma jqisu li dan ikun imur kontra l-interessi essenzjali tas-sigurtà tagħhom.

(29)

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-vittmi jirċievu dettalji ta' kuntatt aġġornati għall-komunikazzjoni dwar il-każ tagħhom, sakemm il-vittma ma tkunx esprimiet xewqa li ma tirċevix informazzjoni bħal din.

(30)

Referenza għal "deċiżjoni" fil-kuntest tad-dritt għall-informazzjoni, l-interpretazzjoni u t-traduzzjoni, għandha tinftiehem biss bħala referenza għall-istabbiliment tal-ħtija jew mod ieħor li jtemm il-proċedimenti kriminali. Ir-raġunijiet għal dik id-deċiżjoni jistgħu jingħataw lill-vittma permezz ta' kopja tad-dokument li jkun fih dik id-deċiżjoni jew permezz ta' sommarju qasir tagħhom.

(31)

Id-dritt għall-informazzjoni dwar il-ħin u l-post ta' proċess li jirriżulta mill-ilment rigward ir-reat kriminali mġarrab mill-vittma għandu japplika wkoll għall-informazzjoni dwar il-ħin u l-post ta' smigħ relatat ma' appell ta' sentenza fil-każ.

(32)

Għandha tingħata informazzjoni speċifika dwar ir-rilaxx jew il-ħarba tal-awtur ta' ksur lill-vittmi, fuq talba, tal-inqas fil-każijiet li fihom jista' jkun hemm periklu jew riskju identifikat ta' ħsara lill-vittmi, sakemm ma jkunx hemm riskju identifikat ta' ħsara għall-awtur ta' ksur li jirriżulta min-notifika. Fejn ikun hemm riskju identifikat ta' ħsara lill-awtur ta' ksur li jirriżulta min-notifika, l-awtorità kompetenti għandha tqis ir-riskji kollha l-oħra meta tiddetermina azzjoni adatta. Ir-referenza għal "riskju identifikat ta' ħsara għall-vittmi" għandha tkopri fatturi bħan-natura u s-severità tal-att kriminali u r-riskju ta' ritaljazzjoni. Għalhekk, ma għandhiex tkun applikata għal dawk is-sitwazzjonijiet fejn ġew kommessi reati minuri u b'hekk fejn ikun hemm biss riskju żgħir ħafna ta' ħsara lill-vittma.

(33)

Il-vittmi għandha tingħatalhom informazzjoni dwar kwalunkwe dritt għall-appell ta' deċiżjoni li jiġi rilaxxat l-awtur ta' ksur, jekk tali dritt ikun jeżisti fil-liġi nazzjonali.

(34)

Ma tistax tinkiseb ġustizzja b’mod effettiv sakemm il-vittmi ma jkunux jistgħu jispjegaw sew iċ-ċirkostanzi tal-att kriminali u jipprovdu l-provi tagħhom lill-awtoritajiet kompetenti b’mod li jinftiehem. Huwa daqstant importanti li jigi żgurat li l-vittmi jiġu trattati b'mod rispettuż u li jkollhom il-possibilità li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom. Għaldaqstant l-interpretazzjoni għandha tkun disponibbli, bla ħlas, waqt l-interrogazzjoni tal-vittma sabiex din tkun tista' tipparteċipa b'mod attiv tagħhom fis-smigħ tal-qorti, f'konformità mar-rwol tal-vittma fis-sistema tal-ġustizzja kriminali rilevanti. Għal aspetti oħrajn tal-proċedimenti kriminali, il-ħtieġa għall-interpretazzjoni u t-traduzzjoni tista’ tvarja skont kwistjonijiet speċifiċi, ir-rwol tal-vittma fis-sistema tal-ġustizzja kriminali rilevanti u l-involviment tagħha fil-proċedimenti u kwalunkwe drittijiet speċifiċi li jkollha. Fil-fatt, l-interpretazzjoni u t-traduzzjoni għal dawn il-każijiet l-oħrajn jeħtieġ li jiġu pprovduti biss sa fejn ikun meħtieġ biex il-vittmi jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom.

(35)

Il-vittma għandu jkollha d-dritt tikkuntesta deċiżjoni li ssib li m'hemmx ħtieġa għatgħal interpretazzjoni jew traduzzjoni, skont il-proċeduri fil-liġi nazzjonali. Dan id-dritt ma jinvolvix l-obbligu għall-Istati Membri li jipprevedu mekkaniżmu separat jew proċedura ta' lmenti li fihom tista' tiġi kkuntestata deċiżjoni u m'għandhomx itawlu l-proċedimenti kriminali b'mod mhux raġonevoli. Reviżjoni interna tad-deċiżjoni skont il-proċeduri nazzjonali eżistenti tkun biżżejjed.

(36)

Il-fatt li vittma titkellem lingwa waħda, li ma tkunx mitkellma b'mod wiesa', m'għandux fih innifsu jkun raġuni għalxiex jiġi deċiż li l-interpretazzjoni jew it-traduzzjoni ttawwal il-proċedimenti kriminali b'mod mhux raġonevoli.

(37)

L-appoġġ għandu jkun disponibbli mill-mument li l-awtortitajiet kompetenti ikunu konxji mill-vittma u matul il-proċedimenti kriminali u għal żmien adatt wara tali proċedimenti skont il-ħtiġijiet tal-vittma u d-drittijiet stipulati f'din id-Direttiva. L-appoġġ għandu jingħata b’mezzi varji, mingħajr formalitajiet żejda u b’distribuzzjoni ġeografika suffiċjenti bejn l-Istati Membri, li jippermettu li l-vittmi kollha jkollhom l-opportunità ta' aċċess għal dawn is-servizzi. Il-vittmi li ġarrbu ħsara konsiderevoli minħabba s-severità tal-att kriminali jistgħu jirrikjedu servizzi speċjalisti ta' appoġġ.

(38)

Persuni li huma partikolarment vulnerabbli jew li jsibu ruħhom f'sitwazzjonijiet li jesponuhom għal riskju partikolarment għoli ta' dannu, bħal persuni li jkunu soġġetti għal vjolenza ripetuta f'relazzjonijiet mill-qrib, vittmi ta' vjolenza bbażata fuq is-sess, jew persuni li jkunu vittmi ta' tipi oħrajn ta' kriminalità fi Stat Membru li mhumiex ċittadini tiegħu jew residenti fih, għandhom jiġu provduti b'appoġġ speċjalizzatu protezzjoni legali. Is-servizzi ta' appoġġ speċjalizzat għandhom ikunu bbażati fuq approċċ integrat u mmirat li b'mod partikolari għandu jqis il-ħtiġijiet speċifiċi tal-vittmi, is-severità tal-ħsara mġarrba b'riżultat ta' reat kriminali, kif ukoll ir-relazzjoni bejn il-vittmi, l-awturi ta' ksur, it-tfal u l-ambjent soċjali usa' tagħhom. Kompitu ewlieni ta' dawn is-servizzi u l-persunal tagħhom, li jaqdu rwol importanti fl-appoġġ lill-vittma biex tirkupra minn u tegħleb il-ħsara jew trawma potenzjali li tirriżulta minn reat kriminali, għandu jkun li jgħarrfu lill-vittmi dwar id-drittijiet stipulati f'din id-Direttiva sabiex dawn ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet f'ambjent ta' appoġġ li jittrattahom b'dinjità, rispett u sensittività. It-tipi ta' appoġġ li għandhom joffru servizzi speċjalizzati bħal dawn jistgħu jinkludu il-provvista ta' kenn u akkomodazzjoni sikura, appoġġ mediku immedjat, riferiment għal eżami mediku u forensiku għal evidenza f'każijiet ta' stupru jew attakk sesswali, konsulenza psikoloġika fuq perijodu qasir u twil, kura għat-trawmi, konsulenza legali, sostenn attiv u servizzi speċifiċi għat-tfal bħala vittmi diretti jew indiretti.

(39)

Is-servizzi ta' appoġġ għall-vittmi mhumiex meħtieġa illi jipprovdu għarfien espert speċjalist u professjonali estensiv. Jekk ikun meħtieġ, is-servizzi ta' appoġġ għall-vittmi għandhom jgħinu lill-vittmi biex jitolbu l-appoġġ professjonali eżistenti, pereżempju l-psikologi.

(40)

Għalkemm l-għoti ta’ appoġġ m’għandux jiddependi mill-fatt li l-vittmi jagħmlu lment dwar reat ma' awtorità kompetenti bħall-pulizija, tali awtoritajiet spiss ikunu fl-aħjar pożizzjoni biex jinfurmaw lill-vittmi dwar il-possibilità ta’ appoġġ. L-Istati Membri huma għaldaqstant imħeġġa jistabbilixxu kundizzjonijiet xierqa biex il-vittmi jkunu jistgħu jiġu rreferiti għas-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi, anki billi jiġi żgurat li r-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data jistgħu jiġu rrispettati u li qed jiġu rrispettati. Għandhom jiġu evitati riferimenti ripetuti.

(41)

Id-dritt tal-vittmi li jinstemgħu għandu jitqies li ġie milħuq fejn il-vittmi jkunu permessi li jagħmlu stqarrijiet jew spjegazzjonijiet bil-miktub.

(42)

Id-dritt tal-vittmi tfal li jinstemgħu fi proċedimenti kriminali m'għandux jiġi prekluż biss fuq il-bażi li l-vittma tkun tifel/tifla jew abbażi tal-età ta' dik il-vittma.

(43)

Id-dritt għal reviżjoni ta' deċiżjoni li ma ssirx prosekuzzjoni għandu jkun meqjus li jirreferi għal deċiżjonijiet meħuda minn prosekuturi u mħallfin jew awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi investigattivi bħal uffiċjali tal-pulizija, iżda mhux għad-deċiżjonijiet meħuda mill-qrati. Kwalunkwe reviżjoni ta’ deċizjoni li ma ssirx prosekuzzjoni għandha titwettaq minn persuna jew awtorità differenti minn dik li tkun għamlet id-deċiżjoni oriġinali, sakemm id-deċiżjoni inizjali li ma ssirx prosekuzzjoni ma tkunx ittieħdet mill-ogħla awtorità ta' prosekuzzjoni, li kontra d-deċiżjoni tagħha ma tista' ssir l-ebda reviżjoni, u li f'liema każ ir-reviżjoni tista' ssir minn dik l-istess awtorità. Id-dritt għal reviżjoni ta' deċiżjoni li ma ssirx prosekuzzjoni ma tikkonċernax proċeduri speċjali, bħall-proċedimenti kontra membri tal-parlament jew tal-gvern, b'rabta mat-tħaddim tal-pożizzjoni uffiċjali tagħhom.

(44)

Deċiżjoni li ttemm il-proċedimenti kriminali għandha tkopri sitwazzjonijiet fejn il-prosekutur jiddeċiedi li jirtira l-akkużi jew li ma jkomplix il-proċedimenti.

(45)

Deċiżjoni tal-prosekutur li tirriżulta f'riżoluzzjoni barra l-qorti u li għalhekk ittemm il-proċediment kriminali, teskludi biss lill-vittmi mid-dritt għal reviżjoni ta' deċiżjoni tal-prosekutur li ma ssirx prosekuzzjoni, jekk ir-riżoluzzjoni tkun timponi twissija jew obbligu.

(46)

Servizzi ta' ġustizzja restorattiva, li jinkludu pereżempju l-medjazzjoni bejn il-vittma u l-awtur ta' ksur, konferenzi fi grupp tal-familja u l-gruppi ta’ konsulenti li jissuġġerixxu lill-imħallfin l-aħjar piena ("sentencing circles"), jistgħu jkunu ta’ benefiċċju kbir għall-vittma, imma jeħtieġu salvagwardji biex jiġu evitati vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta, intimadazzjoni u ritaljazzjoni. Għaldaqstant servizzi bħal dawn għandhom primarjament iqisu l-interessi u l-ħtiġijiet tal-vittma, biex tissewwa l-ħsara lill-vittma u l-prevenzjoni ta’ iktar ħsara. Meta każ jiġi riferut għas-servizzi tal-ġustizzja restorattiva u fit-twettiq tall-proċess tal-ġustizzja restorattiva, għandhom jitqiesu fatturi bħan-natura u s-severità tal-att kriminali, il-grad ta' trawma sussegwenti, il-vjolazzjoni ripetuta tal-integrità fiżika, sesswali jew psikoloġika ta' vittma, l-iżbilanċ fil-poteri, l-età, il-maturità jew il-kapaċità intellettwali tal-vittma li jistgħu jillimitaw jew inaqqsu l-kapaċità tal-vittma li tagħmel għażla infurmata jew li jistgħu jtellfu lill-vittma milli jkollha riżultat pożittivIl-proċessi tal-ġustizzja restorattiva għandhom bi prinċipju jkunu kunfidenzjali, sakemm mhux maqbul mod ieħor mill-partijiet, jew kif meħtieġ mil-liġi nazzjonali minħabba interess pubbliku iktar importanti. Fatturi bħal theddid li jkun sar jew kull forma ta' vjolenza mwettqa matul il-proċess jistgħu jitqiesu bħala li jeħtieġ li jiġu żvelati fl-interess pubbliku.

(47)

Il-vittmi m'għandhomx ikunu mistennija li jġarrbu spejjeż marbutin mal-parteċipazzjoni tagħhom fi proċedimenti kriminali.L-Istati Membri għandhom ikunu meħtieġa jirrimborżaw biss l-ispejjeż meħtieġa tal-vittmi fir-rigward tal-partepiċazzjoni tagħhom fi proċedimenti kriminali u, m'għandhomx ikunu meħtieġa jirrimborżaw l-onorarji legali tal-vittmi. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jimponu kundizzjonijiet dwar ir-rimborż tal-ispejjeż fil-liġi nazzjonali, bħal limiti ta' żmien għal talba ta' rimborż, rati standard għall-ispejjeż ta' għajxien u vvjaġġar u ammonti massimi għal kuljum għat-telf ta' qligħ. Id-dritt għal rimborż tal-ispejjeż fi proċedimenti kriminali ma għandux jeżisti f'sitwazzjoni fejn il-vittma tagħmel dikjarazzjoni dwar reat kriminali. L-ispejjeż għandhom ikunu koperti biss sa fejn il-vittma tkun obbligata jew mitluba mill-awtoritajiet kompetenti li tkun preżenti u tieħu sehem attiv fil-proċedimenti kriminali.

(48)

Propjetà sekwestrata fi proċedimenti kriminali li tista' tiġi rkuprata għandha tintradd lura lill-vittma tal-att kriminali kemm jista' jkun malajr, sakemm ma jkunx hemm kundizzjonijiet eċċezzjonali, bħal f'tilwim dwar is-sjieda jew fejn il-pussess tal-proprjetà jew il-proprjetà nnifisha tkun illegali. Id-dritt ta' radd lura tal-proprjetà għandu jkun mingħajr preġudizzju għaż-żamma leġittima tagħha għall-iskop ta' proċedimenti legali oħra.

(49)

Id-dritt għal deċiżjoni dwar kumpens mill-awtur ta' ksur u l-proċedura applikabbli rilevanti għandhom japplikaw ukoll għall-vittmi residenti fi Stat Membru ieħor apparti l-Istat Membru fejn twettaq ir-reat kriminali.

(50)

L-obbligu stabbilit f'din id-Direttiva li jiġu trasmessi l-ilmenti m'għandux jaffettwa l-kompetenza tal-Istati Membri li jibdew proċedimenti u huwa bla preġudizzju għar-regoli ta' kunflitt dwar l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni kif stipulat fid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/948/ĠAI tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta’ kunflitti tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni fi proċedimenti kriminali (13).

(51)

Jekk il-vittma tkun telqet it-territorju tal-Istat Membru fejn ikun twettaq ir-reat kriminali, dak l-Istat Membru m'għandux jibqa' jiġi obbligat jagħti għajnuna, appoġġ u ħarsien ħlief għal dak li huwa direttament relatat ma' kwalunkwe proċediment kriminali li jkun qed iwettaq fir-rigward tar-reat kriminali kkonċernat, bħal miżuri ta' protezzjoni speċjali waqt il-proċedimenti tal-qorti. L-Istat Membru ta' residenza tal-vittma għandu jagħti l-assistenza, l-appoġġ u l-protezzjoni meħtieġa għall-ħtieġa tal-vittma li jirkupra.

(52)

Għandhom ikunu disponibbli miżuri biex jitħarsu s-sikurezza u d-dinjità tal-vittmi u l-membri tal-familja tagħhom minn vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta, minn intimidazzjoni jew minn ritaljazzjoni, bħal mandati interim jew ta' protezzjoni jew ordnijiet ta' trażżin.

(53)

Għandu jiġi limitat ir-riskju ta’ vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta, ta' intimidazzjoni u ta' ritaljazzjoni mill-awtur ta' ksur jew b’riżultat tal-parteċipazzjoni fi proċedimenti kriminali billi l-proċedimenti jitwettqu b’mod koordinat u rispettuż, li jippermetti l-vittmi jiksbu fiduċja fl-awtoritajiet. L-interazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti għandha tkun faċli kemm jista’ jkun filwaqt li jiġi limitat l-għadd ta’ interazzjonijiet li l-vittma jkollha magħhom pereżempju permezz ta' reġistrazzjoni ta' filmati tal-intervisti u billi jkun permess l-użu ta' dan fil-proċedimenti tal-qorti. Il-prattikanti għandu jkollhom medda wiesgħa ta’ miżuri disponibbli biex tigi evitata t-tbatija lill-vittma waqt il-proċedimenti fil-qorti b’mod partikolari bħala riżultat tal-kuntatt viżwali mal-awtur tal-ksur, mal-familja tiegħu jew tagħha, mal-kompliċi jew mal-membri tal-pubbliku. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom ikunu mħeġġa jintroduċu, speċjalment fir-rigward tal-bini tal-qrati u l-għases tal-pulizija, miżuri fattibbli u prattiċi li jippermettu li l-faċilitajiet ikunu jinkludu, per eżempju, entrati u żoni ta' stennija separati għall-vittmi. Barra minn hekk l-Istati Membri għandhom, sa fejn ikun possibbli, jippjanaw il-proċedimenti kriminali sabiex jiġu evitati l-kuntatti il-vittmi u l-membri tal-familja tagħhom u l-awtur tal-ksur, pereżempju billi l-vittmi u l-awturi tal-ksur jissejħu għas-smigħ f'ħinijiet differenti.

(54)

Il-protezzjoni tal-privatezza tal-vittma tista’ tkun mezz importanti ta' kif tiġi evitata vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta, intimidazzjoni u ritaljazzjonii u tista' tinkiseb permezz ta' firxa ta' miżuri li jinkludu l-projbizzjoni tal-iżvelar jew limitazzjonijiet fuq l-iżvelar ta' informazzjoni li tirrigwarda l-identità u l-post fejn tkun tinsab il-vittma. Protezzjoni bħal din hija partikolarment importanti għall-vittmi tfal, u tinkludi l-projbizzjoni tal-iżvelar tal-isem tat-tifel jew tat-tifla. Madankollu, jista' jkun hemm każijiet fejn, b'eċċezzjoni, it-tfal ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-iżvelar jew anke publikazzjoni wiesa', pereżempju meta t-tfal ikunu nħatfu. Il-miżuri biex jitħarsu l-privatezza u x-xbihat tal-vittmi u tal-membri tal-familji tagħhom għandhom dejjem ikunu konsistenti mad-dritt għal proċess ġust u l-libertà tal-espressjoni, kif rikonoxxuti mill-Artikoli 6 u 10, rispettivament, tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali.

(55)

Uħud mill-vittmi huma partikolarment vulnerabbli għall-vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta, għall-intimidazzjoni u r-ritaljazzjoni min-naħa tal-awtur ta' ksur waqt il-proċedimenti kriminali. Huwa possibbli li tali riskju joħroġ mill-karatteristiċi personali tal-vittma, jew it-tip, in-natura u ċ-ċirkostanzi tal-att kriminali. Huwa biss permezz ta' valutazzjonijiet individwali, imwettqa kemm jista' jkun malajr, li tali riskju jista' jiġi identifikat b'mod effettiv. Tali valutazzjonijiet għandhom jitwettqu għall-vittmi kollha biex jiddeterminaw jekk humiex f'riskju ta vittimizzazzjoni sekondarja jew ripetuti, ta' intimidazzjoni u ta' ritaljazzjoni u liema miżuri ta' protezzjoni speċjali huma jeħtieġu.

(56)

Il-valutazzjonijiet individwali għandhom iqisu l-karatteristiċi personali tal-vittma bħall-età, is-sess, l-identità jew l-espressjoni tas-sessi, l-etniċità, ir-razza, ir-reliġjon, l-orjentazzjoni sesswali, is-saħħa, id-diżabbiltà, l-istatus ta' residenza, id-diffikultajiet komunikattivi, ir-relazzjoni mal-awtur ta' ksur jew id-dipendenza minnu, esperjenza preċedenti tal-kriminalità. Għandhom jieħdu kont tat-tip jew in-natura u ċ-ċirkostanzi tal-att kriminali bħal jekk huwiex att kriminali ta' mibegħda, att kriminali ta' preġudizzju jew att kriminali mwettaq bi skop diskriminatorju, vjolenza sesswali, vjolenza f'relazzjoni mill-qrib, jekk l-awtur ta' ksur kien f'pożizzjoni ta' kontroll, jekk ir-residenza tal-vittma tkunx f'żona b'livell għoli ta' kriminalità jew iddominata mill-gruppi kriminali, jew jekk il-pajjiż tal-oriġini tal-vittma ma jkunx l-Istat Membru fejn ikun twettaq l-att kirminali.

(57)

Il-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, it-terroriżmu, il-kriminalità organizzata, il-vjolenza f'relazzjonijiet mill-qrib, il-vjolenza jew l-isfruttament sesswali, il-vjolenza abbażi tas-sessi, l-atti kriminali ta' mibegħda, u l-vittmi b'diżabbiltajiet jew il-vittmi tfal x'aktarx jgħaddu minn rata għolja ta' vittimizzazzjoni sekondarja jew ripetuta, ta' intimidazzjoni u ta' ritaljazzjoni. Il-valutazzjoni ta' jekk vittmi bħal dawn ikunux f'riskju ta' tali vittimizzazzjoni, intimidazzjoni u ritaljazzjoni għandha ssir b'reqqa partikolari u għandu jkun hemm preżunzjoni qawwija li dawk il-vittmi ser jibbenefikaw minn miżuri speċjali ta' protezzjoni.

(58)

Vittmi li ġew identifikati bħala vulnerabbli għal vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta, intimidazzjoni u ritaljazzjoni għandhom jingħataw il-miżuri adatti biex jipproteġuhom matul il-proċedimenti kriminali. In-natura eżatta ta' tali miżuri għandha tiġi determinata permezz tal-valutazzjoni individwali, b'kont meħud tax-xewqa tal-vittma. Sa fejn kwalunkwe tali miżura għandha tiġi determinata mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tad-difiża u f'konformità mar-regoli tad-diskrezzjoni ġudizzjarja. It-tħassib u l-biża' tal-vittmi b'rabta mal-proċedimenti għandhom ikunu fattur ewlieni fid-determinazzjoni ta’ jekk ikunux jeħtieġu xi mizura partikolari.

(59)

Il-ħtiġijiet u l-limiti operattivi immedjati jistgħu jagħmlu impossibli li jiġi żgurat pereżempju li l-istess uffiċjal tal-pulizija jintervista b'mod konsistenti lill-vittma: il-mard, il-maternità jew il-leave tal-ġenituri huma eżempji ta' tali limiti. Barra minn hekk, postijiet strutturati speċjalment għall-intervisti mal-vittmi, jista' jkun li ma jkunux disponibbli, pereżempju, minħabba renovazzjoni. Fil-każ ta' tali limiti operattivi jew prattiċi, jista' ma jkunx possibbli li miżura speċjali prevista wara valutazzjoni individwali tiġi provduta abbażi ta' każ b'każ.

(60)

Fejn, f'konformità ma' din id-Direttiva, ikollu jinħatar gwardjan jew rappreżentant għat-tifel jew tifla, dawk ir-rwoli jistgħu jitwettqu mill-istess persuna jew minn persuna ġuridika, istituzzjoni jew awtorità.

(61)

Kwalunkwe uffiċjal involut fi proċedimenti kriminali li x'aktarx ikollu kuntatt personali mal-vittmi għandu jkollu aċċess għal u jirċievi taħriġ adatt inizjali u kurrenti, sa livell adatt għall-kuntatt tiegħu mal-vittmi,,sabiex ikun jista' jidentifika l-vittmi u l-ħtiġijiet tagħhom u jittratthom b'manjiera rispettuża, sensittiva, professjonali u non-diskriminatorja. Persuni li x'aktarx ikunu involuti fil-valutazzjoni individwali biex jiġu identifikati l-ħtiġijiet għall-protezzjoni speċifika tal-vittmi u tiġi determinata l-ħtieġa tagħhom għall-miżuri ta' protezzjoni speċjali għandhom jirċievu taħriġ speċifiku dwar kif titwettaq tali valutazzjoni. L-Istati Membri għandhom jiżguraw tali taħriġ għall-persunal tal-pulizija u l-persunal tal-qorti. Ugwalment, it-taħriġ għandu jkun promoss għall-avukati, il-prosekuturi u l-imħallfin u għall-prattikanti li jipprovdu appoġġ lill-vittmi jew servizzi tal-ġustizzja risorattiva. Dan ir-rekwiżit għandu jinkludi taħriġ dwar is-servizzi ta' appoġġ speċifiċi lill-vittmi għandhom ikunu riferuti għalihom jew taħriġ speċjalizzat fejn xogħolhom jiffoka fuq il-vittmi bi ħtiġiet speċjali u taħriġ psikoloġiku speċifiku, kif adatt. Fejn relevanti, tali taħriġ għandu jkun sensittiv għall-ugwaljanza bejn is-sessi. L-azzjonijiet tal-Istati Membri dwar it-taħriġ għandhom jiġu kumplementati b'linji gwida, rakkomandazzjonijiet u skambju tal-aħjar prattiki f'konformità mal-Pjan Direzzjonali ta' Budapest.

(62)

L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu u jaħdmu mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi organizzazzjonijiet mhux governattivi rikonoxxuti u attivi li jaħdmu mal-vittmi tal-att kriminali, b'mod partikolari f'inizjattivi ta' tfassil tal-politika, kampanji ta' informazzjoni u sensibilizzazzjoni, programmi ta' riċerka u edukazzjoni u fit-taħriġ, kif ukoll fil-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-impatt tal-mizuri biex joffru appoġġ u protezzjoni lill-vittmi tal-att kriminali. Sabiex il-vittmi tal-att kriminali jirċievu l-grad korrett ta' assistenza, appoġġ u protezzjoni, is-servizzi pubbliċi għandhom jaħdmu f'manjiera koordinata u għandhom ikunu involuti fil-livelli amministrattivi kollha — fil-livell tal-Unjoni, u fil-livell nazzjonali, reġjonali u dak lokali. Il-vittmi għandhom ikunu megħjuna biex isibu u jindirizzaw id-drittijiet lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jiġu evitati r-rinviji ripetuti. L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jiżviluppaw “punti uniċi ta' aċċess” jew “punti uniċi ta' servizz”, li jindirizzaw il-ħtiġijiet multipli tal-vittmi meta jkunu involuti fi proċedimenti kriminali, inkluża l-ħtieġa li jirċievu informazzjoni, assitenza, appoġġ, protezzjoni u kumpens.

(63)

Sabiex jiġi inkoraġġut u ffaċilitat ir-rappurtar ta' atti kriminali u l-vittmi jkunu jistgħu jiksru ċ-ċiklu tal-vittimizzazzjoni ripetuta, hu essenzjali li s-servizzi ta' appoġġ affidabbli jkunu disponibbli għall-vittmi u li l-awtoritajiet komptenti jkunu lesti li jirrispondu għar-rapporti tal-vittmi b'manjiera rispettuża, sensittiva, professjonali u mhux diskiriminatorja. Dan jista' jżid il-fiduċja tal-vittmi fis-sistema tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri u jnaqqas in-numru ta' atti kriminali mhux irrappurati. Il-prattikanti li x'aktarx jirċievu lmenti mill-vittmi fir-rigward ta' reati kriminali għandhom ikunu mħarrġa b'mod adatt biex jiffaċilitaw ir-rappurtar ta' atti kriminali, u għandhom jiġu attwati miżuri biex ikun jista' jsir ir-rappurtar minn parti terza, inklużi l-organizzazzjoniet tas-soċjetà ċivili. Għandu jkun possibbli li jsir użu mit-teknoloġiji ta' komunikazzjoni, bħall-posta elettronika, video, reġistrazzjonijiet jew forom elettroniċi online sabiex isiru l-ilmenti.

(64)

Il-ġbir sistematiku u adegwat tad-data tal-istatistika huwa rikonoxxut bħala komponenti essenzjali tat-tfassil effettiv tal-politika fil-qasam tad-drittijiet stipulat f'din id-Direttiva. Sabiex tiġi ffaċiltata l-evalwazzjoni tal-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni d-data tal-istatistika relevanti relatata mal-applikazzjoni tal-proċeduri nazzjonali dwar il-vittmi ta' att kriminali, inklużi tal-anqas in-numru, it-tip jew in-natura tal-atti kriminali rrappurtati, u safejn tali data hi magħrufa jew disponibbli, in-numru u l-età u s-sess tal-vittmi. Data ta' statistika rilevanti tista' tinkludi data rreġistrata mill-awtoritajiet ġudizzjarji u l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u, sa fejn possibbli, data amministrattiva miġbura mis-servizzi tal-kura tas-saħħa u tal-ħarsien soċjali u appoġġ mhux governattiv lill-vittmi, jew servizzi ta' ġustizzja restorattiva u organizzazzjonijiet oħrajn li jaħdmu ma' vittmi ta' att kriminali. Data ġudizzjarja tista' tinkludi informazzjoni dwar att kriminali rappurtati, l-għadd ta' kawżi li huma investigati, u l-persuni li jgħaddu prosekuzzjoni u li jiġu ssentenzjati. Data amministrattiva bbażata fuq servizzi tista' tinkludi, sa fejn possibbli, data dwar kif il-vittmi qed jużaw is-servizzi pprovduti mill-aġenziji tal-gvern u l-organizzazzjonijiet ta' appoġġ pubbliċi u privati, bħall-għadd ta' riferimenti mill-pulizija lis-servizzi ta' appoġġ għall-vittmi, l-għadd ta' vittmi li jitolbu, jirċievu jew li ma jirċivux appoġġ jew ġustizzja restorattiva.

(65)

Din id-Direttiva għandha l-għan li temenda u li tespandi d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2001/220/ĠAI. Peress li l-emendi li għandhom isiru huma ta’ għadd u ta' natura sostanzjali, dik id-Deċiżjoni Qafas għandha tiġi sostitwita kompletament fl-interess taċ-ċarezza fir-rigward tal-Istati Membri li qed jipparteċipaw fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva.

(66)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, tfittex li tippromwovi d-dritt għad-dinjità, għall-ħajja, għall-integrità fiżika u mentali, il-libertà u s-sigurtà, ir-rispett tal-ħajja privata u l-ħajja tal-familja, id-dritt għall-proprjetà, il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni, il-prinċipju ta' ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, id-drittijiet tat-tfal, tal-anzjani u tal-persuni b'diżabilità, u d-dritt għal smigħ xieraq.

(67)

Peress li l-objettiv ta' din id-Direttiva, jiġifieri li jiġu stabbiliti standards minimi dwar id-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni ta' vittmi ta' att kriminali, ma jistax jintlaħaq b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri,, u għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti potenzjali, jista' jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif imniżżel fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif imniżżel f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

(68)

Data personali pproċessata meta tiġi implimentata din id-Direttiva għandha tiġi protetta skont id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar il-protezzjoni tad-data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali (14) u skont il-prinċipji stabbiliti fil-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tat-28 ta’ Jannar 1981 dwar il-Protezzjoni tal-Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta' Data Personali, irratifikata mill-Istati Membri kollha.

(69)

Din id-Direttiva ma taffettwax dispożizzjonijiet aktar usa' li jinsabu f'atti oħra tal-Unjoni li jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi ta' kategoriji ta' vittmi partikolari, bħall-vittmi ta' traffikar ta' bnedmin u vittmi ta' abbuż sesswali tat-tfal, sfruttament sesswali u pedopornografija, b'mod aktar immirat.

(70)

F'konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward taż-Żona ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness għat-TUE u għat-TFUE, dawk l-Istati Membri nnotifikaw ix-xewqa tagħhom li jipparteċipaw fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

(71)

Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness għat-TUE u għat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(72)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta ta opinjoni fis-17 ta' Ottubru 2011 (15) ibbażata fuq l-Artikolu 41(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data (16),

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU 1

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Objettivi

1.   L-għan ta' din id-Direttiva huwa li tiżgura li vittmi tal-kriminalità, jirċievu informazzjoni, appoġġ u protezzjoni xierqa u li jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-proċedimenti kriminali.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi huma rikonoxxuti u trattati b'rispett, b'mod sensittiv, speċifikament indirizzat,professjonali u mhux diskriminatorju, fil-kuntatti kollha b'appoġġ għall-vittmi jew bis-servizzi ta' ġustizzja restorattiva jew awtorità kompetenti, li topera fil-kuntest tal-proċedimenti kriminali. Id-drittijiet stipulati f'din id-Direttiva għandhom japplikaw għall-vittmi b'mod mhux diskriminatorju, inkluż fir-rigward tal-istatus ta' residenza tagħhom.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fl-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, fejn il-vittmi huma tfal, l-aqwa interessi tat-tfal għandhom ikunu l-ewwel konsiderazzjoni u għandhom jiġu evalwati fuq bażi individwali. Approċċ sensittiv għat-tfal, li jqis l-età tat-tfal, il-livell ta' maturità, il-fehmiet, il-ħtiġijiet u t-tħassib, għandu jipprevali. It-tfal u d-detentur tar-responsabbiltà parentali jew rappreżentant legali ieħor, jekk ikun hemm, għandhom jiġu informati bi kwalunkwe miżura jew dritt iffukat speċifikament fuq it-tfal.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“vittma” tfisser:

(i)

persuna fiżika li ġarrbet ħsara, inkluż dannu fiżiku, mentali jew emozzjonali jew telf finanzjarju, li kien direttament ikkawżat minn reat kriminali;

(ii)

membru tal-familja ta' persuna li l-mewt tagħha kienet ikkawżata direttament minn reat kriminali u li jkun sofra ħsara b'riżultat tal-mewt ta' dik il-persuna;

(b)

“membri tal-familja” tfisser wieħed mill-konjuġi, il-persuna li qed tgħix mal-vittma f'relazzjoni intima, f' dar konġuntau impenjata fuq bażi stabbli u kontinwa, il-qraba diretti, l-aħwa, u d-dipendenti tal-vittma;

(c)

“tfal” tfisser kwalunkwe persuna taħt it-18-il sena.

(d)

ġustizzja restorattiva' tfisser kwalunkwe proċess li permezz tiegħu l-vittma u l-awtur tar-reat jistgħu, jekk jagħtu kunsens b'mod liberu, jipparteċipaw b'mod attiv fir-riżoluzzjoni ta' kwistjonijiet li joħorġu mir-reatpermezz tal-għajnuna ta' parti terza imparzjali.

2.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu proċeduri:

(a)

biex jillimitaw l-għadd ta' membri tal-familja li jistgħu jgawdu mid-drittijiet taħt din id-Direttiva b'kont meħud taċ-ċirkostanzi individwali ta' kull każ; u

(b)

fir-rigward tal-paragrafu 1(a)(ii), biex jiddeterminaw liema membri tal-familja għandhom prijorità fir-rigward tal-eżerċitar tad-drittijiet stipulati f'din id-Direttiva.

KAPITOLU 2

GĦOTI TA’ INFORMAZZJONI U APPOĠĠ

Artikolu 3

Id-dritt li wieħed jifhem u li jinftiehem

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri adatti biex jgħinu lill-vittmi biex dawn jifhmu u jkunu jistgħu jinftiehmu mill-ewwel kuntatt u waqt kwalunkwe interazzjoni ulterjuri meħtieġa tagħhom ma' awtorità kompetenti fil-kuntest ta' proċedimenti kriminali, inkluż meta l-informazzjoni tiġi trasmessa minn dik l-awtorità.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li komunikazzjonijiet mal-vittmi jingħataw b'lingwa sempliċi u aċċessibbli, bil-fomm jew bil-miktub. Tali komunikazzjonijiet għandhom iqisu l-karatteristiċi personali tal-vittmi inkluż kwalunkwe diżabbiltà li tista' taffettwa l-abbiltà biex jifhmu jew jiġu miftiehma.

3.   Sakemm dan ma jmurx kontra l-interessi tal-vittmi jew sakemm ma jiġix ippreġudikat il-proċess tal-proċedimenti, l-Istati Membri għandhom iħallu lill-vittmi jiġu akkumpanjati minn persuna li jagħżlu huma fl-ewwel kuntatt ma' awtorità kompetenti, fejn, minħabba l-impatt tar-reat kriminali, il-vittma tkun tinħtieġ l-għajnuna biex tifhem jew tinftiehem.

Artikolu 4

Dritt li tingħata informazzjoni mal-ewwel kuntatt li jsir ma' awtorità kompetenti

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi jiġu offruti din l-informazzjoni li ġejja, mingħajr dewmien mhux neċessarju, mill-ewwel kuntatt tagħhom ma' awtorità kompetenti biex ikunu jistgħu jingħataw aċċess għad-drittijiet stipulati f'din id-Direttiva:

(a)

it-tip ta' appoġġ li jista' jinkiseb u minn min, inkluż, fejn rilevanti, informazzjoni bażika dwar l-aċċess għall-appoġġ mediku, kwalunkwe appoġġ ta' speċjalista, inkluż appoġġ psikoloġiku, u akkomodazzjoni alternattiva;

(b)

il-proċeduri dwar kif isir ilment fir-rigward ta' reat u r-rwol tagħhom b’rabta ma’ proċeduri bħal dawn;

(c)

kif u taħt liema kundizzjonijiet jistgħu jiksbu protezzjoni, inklużi miżuri ta' protezzjoni;

(d)

kif u taħt liema kundizzjonijiet jistgħu jiksbu aċċess għal parir legali, għajnuna legali jew kwalunkwe tip ieħor ta' parir;

(e)

kif u taħt liema kundizzjonijiet jistgħu jiksbu aċċess għall-kumpens;

(f)

kif u taħt liema kundizzjonijiet huma intitolati għall-interpretazzjoni u t-traduzzjoni;

(g)

jekk ikunu residenti fi Stat Membru apparti minn dak li fih ikun twettaq ir-reat, kull miżura, proċedura jew arranġament speċjali, li huma disponibbli sabiex jipproteġu l-interessi tagħhom fl-Istat Membru, fejn ikun sar l-ewwel kuntatt ma' awtorità kompetenti;

(h)

il-proċeduri disponibbli biex jitressqu lmenti meta d-drittijiet tagħhom ma jiġux irrispettati mill-awtorità kompetenti li topera fil-kuntest ta' proċedimenti kriminali;

(i)

id-dettalji ta’ kuntatt għall-komunikazzjonijiet dwar il-każ tagħhom;

(j)

is-servizzi ta' ġustizzja restorattiva disponibbli;

(k)

kif u taħt liema kundizzjonijiet jistgħu jiġu rimborżati għal spejjeż imġarrba b'riżultat tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċedimenti kriminali.

2.   Il-firxa jew id-dettall tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tista' tvarja abbażi tal-ħtiġijiet speċifiċi u ċ-ċirkostanzi personali tal-vittma u t-tip jew in-natura tal-att kriminali. Jistgħu jiġu pprovduti dettalji addizzjonali wkoll fi stadji aktar tard skont il-ħtiġijiet tal-vittma u r-rilevanza, f'kull stadju tal-proċedimenti, ta' tali dettalji.

Artikolu 5

Dritt tal-vittmi meta jagħmlu ilment

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi jirċievu rikonoxximent bil-miktub tal-ilment formali tagħhom magħmul minnhom lill-awtorità kompetenti ta' Stat Membru, li jiddikjara l-elementi bażiċi tar-reat kriminali kkonċernat.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi li jixtiequ jagħmlu ilment fir-rigward ta' reat kriminali u li ma jifhmux jew ma jitkellmux il-lingwa tal-awtorità kompetenti għandhom ikunu jistgħu jagħmlu l-ilment b'lingwa li jifhmu jew billi jirċievu l-għajnuna lingwistika neċessarja.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi, li ma jifhmux jew ma jitkellmux il-lingwa tal-awtorità kompetenti, jirċievu t-traduzzjoni mingħajr ħlas, tal-konferma bil-miktub tal-ilment tagħhom, prevista fil-paragrafu 1, jekk jixtiequ hekk, b'lingwa li jifhmu.

Artikolu 6

Dritt li jingħataw informazzjoni dwar il-każ tagħhom

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi jiġu notifikati mingħajr dewmien żejjed bid-dritt tagħhom li jirċievu l-informazzjoni li ġejja dwar il-proċedimenti kriminali mibdija bħala riżultat tal-ilment fir-rigward ta' reat kriminali mġarrab mill-vittma u li, fuq talba, huma jirċievu tali informazzjoni:

(a)

kwalunkwe deċiżjoni li ma tkomplix jew li ttemm investigazzjoni jew li ma tixlix l-awtur ta' ksur;

(b)

il-ħin u l-post tal-proċess, u n-natura tal-akkużi kontra l-awtur ta' ksur.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, f'konformità mar-rwol tagħhom fis-sistema tal-ġustizzja kriminali rilevanti, il-vittmi jiġu notifikati mingħajr dewmien żejjed bid-dritt tagħhom li jirċievu l-informazzjoni li ġejja dwar il-proċedimenti kriminali mibdija bħala riżultat tal-ilment fir-rigward ta' reat kriminali mġarrab mill-vittma u li, fuq talba, jirċievu tali informazzjoni:

(a)

kwalunkwe sentenza finali fi proċess;

(b)

informazzjoni li tippermetti lill-vittma li tkun mgħarrfa bis-sitwazzjoni tal-proċedimenti kriminali, sakemm f’każijiet eċċezzjonali tali notifika ma taffettwax ħażin it-trattament tal-każ.

3.   Informazzjoni prevista taħt il-paragrafu 1(a) u l-paragrafu2(a) għandha tinkludi raġunijiet jew sommarju ta' raġunijiet għad-deċiżjoni inkwistjoni, ħlief fil-każ ta' deċiżjoni ta ġuri jew deċiżjoni fejn ir-raġunjiet huma kunfidenzjali f'liema każijiet ir-raġunijiet ma jingħatawx bħala kwistjoni tal-liġi nazzjonali.

4.   Ix-xewqa tal-vittmi dwar jekk jixtiqux li jingħataw informazzjoni għandha torbot lill-awtorità kompetenti, ħlief jekk dik l-informazzjoni jkollha tiġi pprovduta minħabba l-intitolament tal-vittma għal parteċipazzjoni attiva fil-proċedimenti kriminali. L-Istati Membri għandhom iħallu l-vittmi jimmodifikaw ix-xewqa tagħhom fi kwalunkwe żmien, u mbagħad għandhom joħduha inkunsiderazzjoni.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi jingħataw l-opportunità li jiġu notifikati, mingħajr dewmien mhux meħtieġ, meta l-persuna miżmuma f'kustodja, mixlija jew ikkundannata għal reati kriminali li jikkonċernawhom tinħeles jew tkun ħarbet mid-detenzjoni. L-Istati Membri għandhom jiżguraw lil-vittmi jiġu informati bi kwalunkwe miżura maħruġa għall-protezzjoni tagħhom f'każ ta' rilaxx jew ħarba tal-awtur ta' ksur.

6.   Il-vittmi għandhom, fuq talba, jingħataw l-informazzjoni prevista fil-paragrafu 2, tal-inqas f'każijiet fejn hemm periklu jew riskju identifikat għalihom, sakemm ma jkunx hemm riskju identifikat ta' ħsara għall-awtur ta' ksur li jirriżulta min-notifika.

Artikolu 7

Dritt għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi li ma jifhmux jew li ma jitkellmux il-lingwa li biha jsiru l-proċedimenti kriminali kkonċernati jingħataw, fuq talba, b'interpretazzjoni, f'konformità mar-rwol tagħhom fis-sistema tal-ġustizzja kriminali rilevanti fi proċedimenti kriminali, bla ħlas, tal-anqas matul kwalunkwe intervista jew interrogazzjoni tal-vittma waqt il-proċedimenti kriminali quddiem awtoritajiet investigattivi u ġudizzjarji, inkluż waqt l-interrogazzjoni tal-pulizija, u jingħataw servizzi ta' interpretazzjoni għas-smigħ fil-qorti li jipparteċipaw fihom b'mod attiv u fi kwalunkwe smigħ interim meħtieġ.

2.   Mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tad-difiża u f'konformità mar-regoli ta' diskrezzjoni ġudizzjarja, jistgħu jintużaw teknoloġiji tal-komunikazzjoni bħall-konferenzi bil-vidjo, telefon jew internet, sakemm il-preżenza fiżika tal-interpretu ma tkunx meħtieġa sabiex il-vittma tkun tista’ teżerċita d-drittijiet tagħha kif xieraq jew biex tifhem il-proċedimenti.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li vittmi li ma jifhmux jew li ma jitkellmux il-lingwa tal-proċedimenti kriminali kkonċernata jiġu provduti, skont ir-rwol tagħhom fis-sistema tal-ġustizzja kriminali rilevanti fi proċedimenti kriminali, fuq talba, it-traduzzjonijiet ta'informazzjoni essenzjali għall-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom fil-proċedimenti kriminali, f'lingwa li jifhmu, u bla ħlas, sakemm din l-informazzjoni tkun disponibbli għall-vittmi. Traduzzjonijiet ta' tali informazzjoni għandhom jinkludu tal-anqas kwalunkwe deċiżjoni li permezz tagħha jintemmu l-proċedimenti kriminali marbuta mar-reat kriminali mġarrab mill-vittma, u fuq talba tal-vittma, ir-raġunijiet jew sommarju tar-raġunijiet għal deċiżjoni bħal din, ħlief fil-każ ta' deċiżjoni ta' ġuri jew deċiżjoni fejn ir-raġunijiet ikunu kunfidenzjali, f'liema każijiet ir-raġunijiet ma jingħatawx minħabba l-liġi nazzjonali.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi, li huma intitolati għall-informazzjoni dwar il-ħin u l-post tal-proċess, f'konformità mal-Artikolu 6(1)(b), u li ma jifhmux il-lingwa tal-awtorità kompetenti, jiġu provduti, traduzzjoni tal-informazzjoni li huma intitolati għaliha fuq talba.

5.   Il-vittmi jistgħu jressqu talba rraġunata biex id-dokument jitqies bħala essenzjali. M'għandux ikun hemm ħtieġa li jiġu tradotti siltiet minn dokumenti essenzjali li mhumiex rilevanti biex il-vittmi jkunu jistgħu jipparteċipaw b'mod attiv fil-proċedimenti kriminali.

6.   Minkejja l-paragrafi 1 u 3, traduzzjoni bil-fomm jew sommarju bil-fomm tad-dokumenti essenzjali jistgħu jingħataw minflok traduzzjoni bil-miktub bil-kondizzjoni li tali traduzzjoni jew sommarju bil-fomm ma jippreġudikawx kemm ikunu ġusti l-proċedimenti.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità kompetenti tevalwa jekk il-vittmi jeħtiġux interpretazzjoni jew traduzzjoni kif previst taħt il-paragrafi 1 u 3. Il-vittmi jistgħu jikkontestaw deċiżjoni biex ma jiġux ipprovduti interpretazzjoni jew traduzzjoni. Ir-regoli proċedurali għal tali kontestazzjoni għandhom ikunu determinati bil-liġi nazzjonali.

8.   L-interpretazzjoni u t-traduzzjoni u, kif ukoll kwalunkwe kunsiderazzjoni ta' kontestazzjoni ta' deċiżjoni biex ma jiġux pprovduti interpretazzjoni jew traduzzjoni taħt dan l-Artikolu, m'għandhiex ittawwal il-proċedimenti kriminali b'mod mhux raġonebvoli.

Artikolu 8

Dritt għall-aċċess għas-servizzi ta' appoġġ għall-vittmi

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi f'konformità mal-ħtiġijiet tagħhom, ikollhom aċċess għas-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi kunfidenzjali, bla ħlas, filwaqt li jaġixxu fl-interessi tal-vittmi qabel, matul u għal żmien adatt wara l-proċedimenti kriminali. Il-membri tal-familja għandu jkollhom aċċess għal servizzi ta' appoġġ għall-vittmi f'konformità mal-ħtiġijiet tagħhom u l-grad ta' ħsara mġarrba b'riżultat tar-reat mwettaq kontra l-vittma.

2.   L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw ir-riferiment tal-vittmi għas-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi mill-awtorità kompetenti li tkun irċeviet l-ilment u minn entitajiet rilevanti oħra.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jistabbilixxu servizzi ta' appoġġ speċjalizzat bla ħlas u kunfidenzjali flimkien ma', jew bħala parti integrata ta', servizzi ġenerali ta' appoġġ għall-vittmi, jew billi l-organizzazzjonijiet ta' appoġġ tal-vittmi jkunu jistgħu jitolbu tali appoġġ speċjalizzat minn entitajiet speċjalizzati eżistenti. F'konformità mal-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, il-vittmi għandu jkollhom aċċess għal tali servizzi u l-membri tal-familja għandu jkollhom aċċess skont il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom u l-grad ta' ħsara li jkunu ġarrbu b'riżultat tal-offiża kriminali li jkun sar kontra l-vittma.

4.   Is-servizzi ta' appoġġ u kwalunkwe servizz ta' appoġġ speċjalizzat jista' jiġi stabbilit bħala organizzazzjoni pubblika jew li mhix governattiva u tista' tiġi organizzata fuq bażi professjonali jew volontarja.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-aċċess għal servizzi ta' appoġġ għall-vittmi ma jiddependix fuq il-fatt li vittma tressaq ilment formali fir-rigward ta' reat kriminali quddiem awtorità kompetenti.

Artikolu 9

Appoġġ mis-servizzi ta' appoġġ għall-vittmi

1.   Is-servizzi ta' appoġġ għall-vittmi, kif jirreferi għalihom l-Artikolu 8(1), għandhom tal-anqas jipprovdu:

(a)

informazzjoni, parir u appoġġ rilevanti għad-drittijiet tal-vittmi inkluż dwar l-aċċess għal skemi nazzjonali ta’ kumpens għal danni ta' reat kriminali, u dwar ir-rwol tagħhom fil-proċedimenti kriminali inkluż fit-tħejjija għall-attendenza fil-proċess;

(b)

informazzjoni dwar jew referenza diretta għal kwalunke servizz ta' appoġġ rilevanti fis-seħħ;

(c)

appoġġ emottiv u, fejn disponibbli, psikoloġiku;

(d)

parir marbut ma' kwistjonijiet finanzjarji u prattiċi li jqumu mill-att kriminali;

(e)

sakemm ma jkunx ipprovdut mod ieħor minn servizzi pubbliċi jew privati, parir relatat mar-riskju u l-prevenzjoni ta' vitimizzazzjoni sekondarja u repetuta, ta' intimidazzjoni u ta' ritaljazzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu s-servizzi ta' appoġġ għall-vittmi biex jagħtu attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-vittmi li ġarrbu ħsara konsiderevoli minħabba s-severità tal-att kriminali.

3.   Sakemm ma jiġix ipprovdut mod ieħor minn servizzi pubbliċi jew privati oħra, servizzi ta' appoġġ speċjalizzati msemmija fl-Artikolu 8(3), għandhom tal-anqas jiżviluppaw u jipprovdu:

(a)

kenn jew kwalunkwe akkomodazzjoni interim adatta għal vittmi li għandhom bżonn post sikur minħabba riskju imminenti ta' vitimizzazzjoni sekondarja u repetuta, ta' intimidazzjoni u ta' ritaljazzjoni;

(b)

appoġġ immirat u integrat għal vittmi bi ħtiġijiet speċifiċi, bħal vittmi ta' vjolenza sesswali, vittmi ta' vjolenza bbażata fuq is-sessi u vittmi ta' vjolenza f'relazzjonijiet mill-qrib, inklużi appoġġ fi trawma u konsultazzjoni.

KAPITOLU 3

PARTEĊIPAZZJONI FI PROĊEDIMENTI KRIMINALI

Artikolu 10

Id-dritt li wieħed jinstema'

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi jistgħu jinstemgħu waqt il-proċedimenti kriminali u jkunu jistgħu jipprovdu xhieda. Fejn il-vittma li tkun għadha tfal tkun ser tinstema', għandha titqies l-età u l-maturità tagħha.

2.   Ir-regoli proċedurali li taħthom il-vittmi jistgħu jinstemgħu waqt il-proċedimenti kriminali u jistgħu jipprovdu xhieda għandhom ikunu determinati mil-liġi nazzjonali.

Artikolu 11

Drittijiet f'każ li tittieħed deċiżjoni li permezz tagħha l-awtur ma jiġix mixli

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi, f'konformità mar-rwol tagħhom fis-sistema tal-ġustizzja kriminali rilevanti, għandhom id-dritt għal reviżjoni ta' deċiżjoni li permezz tagħha l-awtur ta' ksur ma jkunx ser jiġi mixli. Ir-regoli proċedurali għal reviżjoni bħal din għandhom ikunu determinati mil-liġi nazzjonali.

2.   Meta, f'konformità mal-liġi nazzjonali, ir-rwol tal-vittma fis-sistema tal-ġustizzja kriminali rilevanti jkun ġie stabbilit biss wara li tkun ittieħdet deċiżjoni biex jiġi mixli l-awtur ta' ksur, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tal-anqas il-vittmi ta' reati serji għandhom id-dritt għal reviżjoni ta' deċiżjoni li permezz tagħha l-awtur ta' ksur ma jkunx ser jiġi mixli. Ir-regoli proċedurali għal reviżjoni bħal din għandhom ikunu determinati mil-liġi nazzjonali.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi jiġu notifikati mingħajr dewmien mhux meħtieġ tad-dritt tagħhom li jingħataw informazzjoni, u li humajirċievu biżżejjed informazzjoni biex jiddeċiedu dwar jekk għandhomx jitolbu reviżjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni li permezz tagħha l-awtur ta' ksur ma jkunx ser jiġi mixli, fuq talba.

4.   Fejn id-deċiżjoni inizjali li l-awtur ma jiġix mixli tittieħed mill-ogħla awtorità ta' prosekuzzjoni li ma tista' titwettaq l-ebda reviżjoni kontra d-deċiżjoni tagħha skont il-liġi nazzjonali, id-dritt għar-reviżjoni jista' jitwettaq mill-istess awtorità.

5.   Il-paragrafi 1, 3 u 4 m'għandhomx japplikaw għal deċiżjoni tal-prosekutur li ma ssirx prosekuzzjoni, jekk tali deċiżjoni tirriżulta f'soluzzjoni barra mill-qorti, sa fejn il-liġi nazzjonali tipprevedi possibbiltà bħal din.

Artikolu 12

Dritt għal salvagwardji fil-kuntest ta’ servizzi ta' ġustizzja restorattiva

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri li jissalvagwardjaw il-vittma minn vitimizzazzjoni sekondarja u repetuta, minn intimidazzjoni u minn ritaljazzjoni, li għandhom jiġu applikati meta jingħataw kwalunkweservizzi ta’ ġustizzja restorattiva. Tali miżuri għandhom jiżguraw li l-vittmi, li jagħżlu li jipparteċipaw fi proċessi ta' ġustizzja restorattiva jkollhom aċċess għal servizzi ta' ġustizzja restorattiva sikura u kompetenti, soġġett tal-anqas għall-kundizzjonjijiet li ġejjin:

(a)

is-servizzi ta’ ġustizzja restorattiva jintużaw biss jekk ikunu fl-interess tal-vittma, soġġetti għal kwalunkwe konsiderazzjoni sikura, u jkunu bbażati fuq il-kunsens liberu u infurmat tal-vittma; li jista’ jiġi rtirat fi kwalunkwe ħin;

(b)

qabel ma taqbel li tipparteċipa fil-proċess ta' ġustizzja ristorattiva, il-vittma tingħata informazzjoni sħiħa u imparzjali dwar dak il-proċess u l-eżiti potenzjali kif ukoll informazzjoni dwar il-proċeduri ta' sorveljanza tal-implimentazzjoni ta' kwalunkwe ftehim;

(c)

l-awtur ta' ksur irid jkun irrikonoxxa l-fatti bażiċi tal-kawża;

(d)

kwalunkwe ftehim jintlaħaq b’mod volontarju u jista' jitqies fi kwalunkwe proċediment kriminali ulterjuri;

(e)

diskussjonijiet fi proċessi ta’ ġustizzja restorattiva li ma jitwettqux fil-pubbliku huma kunfidenzjali u għalhekk ma jiġux żvelati, ħlief bil-ftehim tal-partijiet jew kif meħtieġ mil-liġi nazzjonali minħabba interess pubbliku iktar importanti.

2.   L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw ir-riferiment ta' każijiet, kif adatt, għal servizzi ta' ġustizzja restorattiva, inkluż permezz tal-istabbiliment ta' proċeduri jew linji gwida dwar il-kundizzjonijiet għal tali riferiment.

Artikolu 13

Dritt għal għajnuna legali

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi jkollhom aċċess għal għajnuna legali, fejn ikollhom l-istatus ta' partijiet għall-proċedimenti kriminali. Il-kundizzjonijiet jew regoli proċedurali li taħthom il-vittmi jkollhom aċċess għal għajnuna legali għandhom jiġu determinati mil-liġi nazzjonali.

Artikolu 14

Dritt għal rimborż tal-ispejjeż

L-Istati Membri għandhom jagħtu lill-vittmi, li jipparteċipaw fil-proċedimenti kriminali, il-possibbiltà li jiġu rimborżati għall-ispejjeż li jkunu ġarrbu b’riżultat tal-parteċipazzjoni attiva tagħhom fi proċedimenti kriminali, f'konformità mar-rwol tagħhom fis-sistema tal-ġustizzja kriminali rilevanti. Il-kondizzjonijiet jew ir-regoli proċedurali li taħthom il-vittmi jistgħu jiġu rimborżati għall-ispejjeż għandhom jiġu determinati mil-liġi nazzjonali.

Artikolu 15

Dritt ta’ radd lura tal-proprjetà

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, wara deċiżjoni minn awtorità kompetenti, il-proprjetà li tista' tiġi rkuprata li tiġi sekwestrata matul il-proċedimenti kriminali tintradd lura lill-vittmi mingħajr dewmien, sakemm ma tkunx meħtieġa għall-iskop tal-proċedimenti kriminali. Il-kundizzjonijiet jew ir-regoli proċedurali li taħthom tali proprjetà tintradd lura lill-vittmi għandhom jiġu determinati mil-liġi nazzjonali.

Artikolu 16

Dritt għal deċiżjoni dwar il-kumpens mill-awtur ta' ksur matul il-proċedimenti kriminali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, matul il-proċedimenti kriminali, il-vittmi jkunu intitolati li jiksbu deċiżjoni dwar il-kumpens mill-awtur ta' ksur, fi żmien raġonevoli, ħlief fejn il-liġi nazzjonali tipprevedi li tali deċiżjoni ssir fi proċedimenti legali oħrajn.

2.   L-Istati Membri għandhom jippromwovu miżuri biex iħeġġu lill-awturi ta' ksur jipprovdu kumpens adegwat lill-vittmi.

Artikolu 17

Drittijiet ta’ vittmi residenti fi Stat Membru ieħor

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom ikunu jistgħu jieħdu miżuri adattati biex inaqqsu d-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom il-vittmi meta dawn ikunu residenti fi Stat Membru differenti minn dak fejn ikun twettaq ir-reat, partikolarment fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-proċedimenti. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet tal-Istat Membru fejn ikun twettaq ir-reat għandhom, b’mod partikolari, ikunu f’pożizzjoni li:

(a)

jieħdu dikjarazzjoni mingħand il-vittma immedjatament wara li jsir l-ilment dwar ir-reat kriminali lill-awtorità kompetenti;

(b)

jirrikorru sa fejn ikun possibbli għad-dispożizzjonijiet dwar il-konferenzi bil-vidjo u t-telefonati ta' konferenza stabbiliti fil-Konvenzjoni dwar l-Assistenza Reċiproka fi Kwistjonijiet Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea tad-29 ta' Mejju 2000 (17) bil-għan li jinstemgħu l-vittmi li jkunu residenti barra mill-pajjiż.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi ta’ reat kriminal mwettaq fi Stati Membri differenti minn dak ta’ fejn jgħixu jkunu jistgħu jagħmlu lment lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ residenza tagħhom, jekk ma jkunux jistgħu jagħmlu dan fl-Istat Membru fejn ikun seħħ ir-reat jew, fil-każ ta' reat serju, kif iddeterminat mil-liġi nazzjonali ta' dak l-Istat Membru, jekk ma jkunux jixtiequ jagħmlu dan.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità kompetenti li magħha jkun sar l-ilment tibagħtu mingħajr dewmien lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun seħħ ir-reat kriminali, jekk il-kompetenza li jinbdew il-proċdimenti ma tkunx ġiet eżerċitata mill-Istat Membru fejn sar l-ilment.

KAPITOLU 4

PROTEZZJONI TAL-VITTMI U RIKONOXXIMENT TA' VITTMI BI ĦTIĠIJIET SPEĊIFIĊI TA' PROTEZZJONI

Artikolu 18

Dritt għal protezzjoni

Bla preġudizzju għad-drittijiet tad-difiża, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm miżuri disponibbli għall-protezzjoni tal-vittmi u l-membri tal-familja tagħhom minn vitimizzazzjoni sekondarja u repetuta, minn intimidazzjoni u minn ritaljazzjoni, inkluż kontra r-riskju ta' ħsara emozzjonali jew psikoloġika, u għall-protezzjoni tad-dinjità tal-vittmi waqt l-interrogazzjoni u meta jagħtu x-xhieda tagħhom. Meta meħtieġ, tali miżuri għandhom jikludu wkoll proċeduri stabbiliti taħt il-liġi nazzjonali għall-protezzjoni fiżika tal-vittmi u l-membri tal-familja tagħhom.

Artikolu 19

Dritt li jiġi evitat kuntatt bejn il-vittma u l-awtur ta' ksur

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kundizzjonijiet meħtieġa biex ikun jista' jiġi evitat kuntatt bejn il-vittmi u l-membri tal-familja tagħhom, fejn meħtieġ, u l-awtur ta' ksur fil-binjiet fejn jitwettqu l-proċedimenti kriminali sakemm il-proċedimenti kriminali ma jkunux jeħtieġu tali kuntatt.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li binjiet ġodda tal-qorti jkollhom kmamar fejn jistennew separati għall-vittmi.

Artikolu 20

Dritt għall-protezzjoni tal-vittmi waqt l-investigazzjonijiet kriminali

Bla preġudizzju għad-drittijiet tad-difiża u f'konformità mar-regoli ta' diskrezzjoni ġudizzjarja, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li waqt investigazzjonijiet kriminali:

(a)

l-intervisti tal-vittmi jsiru mingħajr dewmien mhux ġustifikat wara li jkun sar l-ilment fir-rigward tar-reat kriminali lill-awtorità kompetenti;

(b)

l-għadd ta’ intervisti mal-vittmi jkun limitat kemm jista’ jkun u l-intervisti jsiru biss fejn strettament meħtieġ għall-iskopijiet tal-investigazzjonijiet kriminali;

(c)

il-vittmi jkunu jistgħu jiġu akkumpanjati mir-rappreżentant legali tagħhom u minn persuna li jagħżlu huma stess, sakemm ma tkunx ingħatat deċiżjoni motivata kuntrarja;

(d)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-eżamijiet mediċi jinżammu għall-minimu u jitwettqu biss meta jkunu strettament meħtieġa għall-iskop tal-proċedimenti kriminali.

Artikolu 21

Dritt għall-protezzjoni tal-privatezza

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li waqt il-proċedimenti kriminali, l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jieħdu miżuri xierqa biex jipproteġu l-privatezza, inklużi karatteristiċi personali tal-vittma meqjusa fil-valutazzjoni individwali prevista fl-Artikolu 22, u immaġini tal-vittmi u tal-membri tal-familji tagħhom. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jieħdu l-miżuri legali kollha biex jipprevjenu d-disseminazzjoni pubblika ta' kwalunkwe informazzjoni li tista' twassal għall-identifikazzjoni ta' vittmi tfal.

2.   Sabiex jiġu protetti l-privatezza, l-integrità personali u d-data personali tal-vittmi, l-Istati Membri għandhom, b'rispett għal-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni u l-libertà u l-pluraliżmu tal-medja, iħeġġu lill-medja sabiex tieħu miżuri awtoregolatorji.

Artikolu 22

Valutazzjoni individwali tal-vittmi biex jiġu identifikati ħtiġijiet speċifiċi ta' protezzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi ssirilhom valutazzjoni individwali u f’waqtha, skont il-proċeduri nazzjonali, biex jiġu identifikati ħtiġijiet speċifiċi ta' protezzjoni u biex jiġi ddeterminat jekk u sa liema punt jibbenefikaw minn miżuri speċjali matul il-proċedimenti kriminali, kif previst fl-Artikoli 23 u 24, minħabba li jkunu partikolarment vulnerabbli għal vitimizzazzjoni sekondarja u repetuta, għal intimidazzjoni u għal ritaljazzjoni.

2.   Il-valutazzjoni għandha tieħu kont partikolarment ta':

(a)

il-karatteristiċi personali tal-vittma;

(b)

it-tip jew in-natura tal-att kriminali; u

(c)

iċ-ċirkostanzi tal-att kriminali.

3.   Fil-kuntest tal-valutazzjoni individwali, għandha tingħata attenzjoni partikolari lil vittmi li jkunu ġarrbu ħsara konsiderevoli minħabba s-severità u tal-att kriminali; vittmi li jkunu ġarrbu att kriminali mwettaq bi preġudizzju jew raġuni diskriminatorja, li jista', b'mod partikolari, jkun marbuta mal-karatteristiċi personali tagħhom; vittmi li r-relazzjoni tagħhom ma' u d-dipendenza tagħhom fuq l-awtur ta' reat tagħmilhom partikolarment vulnerabbli. F'dan ir-rigward, vittmi ta' terroriżmu, kriminalità organizzata, traffikar tal-bnedmin, vjolenza abbażi tas-sessi, vjolenza f'relazzjonit mill-qrib, vjolenza sesswali, sfruttament jewreati ta' mibegħda, u vittmi b'diżabbiltàgħadhom jitqiesu kif dovut.

4.   Għall-fini ta' din id-Direttiva, vittmi tfal għandhom jitqiesu li għandhom ħtiġijiet speċifiċi ta' protezzjoni minħabba l-vulnerabbiltà tagħhom għal vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta, għal intimidazzjoni u għal ritaljazzjoni. Biex jiġi ddeterminat jekk u sa liema punt huma jibbenefikaw minn miżuri speċjali kif previsti skont l-Artikoli 22 u 24, il-vittmi tfal għandhom ikunu soġġetti għal valutazzjoni individwali kif previst fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

5.   L-ambitu tal-valutazzjoni individwali jista' jiġi adattat skont il-gravità tal-att kriminali u l-livell ta' ħsara viżibbli li tkun ġarrbet il-vittma.

6.   Tali valutazzjoni individwali għandha ssir b'involviment mill-qrib tal-vittmi u għandha tieħu kont tax-xewqat tagħhom inkluż fejn ma jkunux jixtiequ jibbenefikaw minn miżuri speċjali prevsiti fl-Artikoli 22 u 24.

7.   Jekk l-elementi li jiffurmaw il-bażi tal-valutazzjoni individwali ikunu nbidlu b'mod sinifikanti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li din tkun aġġornata matul il-proċedimenti kriminali.

Artikolu 23

Dritt għall-protezzjoni ta’ vittmi bi ħtiġijiet speċifiċi ta' protezzjoni waqt il-proċedimenti kriminali

1.   Mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tad-difiża u skont ir-regoli tad-diskrezzjoni ġudizzjarja, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li vittmi bi ħtiġijiet speċifiċi ta' protezzjoni li jibbenefikaw minn miżuri speċjali identifikati bħala riżultat ta' valutazzjoni individwali prevista fl-Artikolu 22(1) jistgħu jibbenefikaw mill-miżuri previsti fil-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu. Miżura speċjali prevista wara l-valutazzjoni individwali mżgħandiex titpoġġa għad-dispożizzjoni jekk restrizzjonijiet operazzjonali jew prattiċi jagħmlu dan impossibbli, jew fejn ikun hemm ħtieġa urġenti li tiġi interrogata l-vittma u jekk dan ma jsirx tkun tista' ssir ħsara lill-vittma jew persuna oħra jew tista' tippreġudika l-kors tal-proċedimenti.

2.   Il-miżuri li ġejjin għandhom ikunu disponibbli matul l-investigazzjonijiet kriminali għal vittmi bi ħtiġijiet speċifiċi ta' protezzjoni identifikati skont l-Artikolu 22(1):

(a)

interrogazzjonijiet mal-vittma jiġu mwettqa f'binjiet imfasslin jew addattati għal dak l-iskop;

(b)

interrogazzjonijiet mal-vittma jiġu mwettqa minn jew permezz ta' professjonisti mħarrġa għal dak il-għan;

(c)

l-intervisti kollha tal-vittma jitwettqu mill-istess persuni sakemm dan ma jmurx kontra l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja;

(d)

l-intervisti kollha mal-vittmi ta' vjolenza sesswali, vjolenza abbażi tas-sessi jew vjolenza f'relazzjonijiet mill-qrib, sakemm ma jsirux minn prosekutur jew imħallef, isiru minn persuna tal-istess sess bħall-vittma, jekk il-vittma tkun tixtieq hekk, sakemm il-kors tal-proċedimenti kriminali ma jiġix ippreġudikat.

3.   Il-miżuri li ġejjin għandhom ikunu disponibbli għal vittmi bi ħtiġijiet speċifiċi ta' protezzjoni identifikati skont l-Artikolu 22(1) matul il-proċediment tal-qorti:

(a)

miżuri biex jiġi evitat kuntatt viżwali bejn il-vittmi u l-awturi ta' ksur matul l-għoti ta' xhieda, b'mezzi adatti inkluż l-użu tat-teknoloġija ta' komunikazzjoni;

(b)

miżuri biex jiġi żgurat li l-vittma tkun tista’ tixhed fl-awla tal-qorti mingħajr ma tkun preżenti, partikolarment bl-użu ta’ teknoloġija ta’ komunikazzjoni xierqa;

(c)

miżuri biex jiġu evitati mistoqsijiet mhux meħtieġa dwar il-ħajja privata tal-vittma mhux marbuta mar-reat kriminali; u

(d)

miżuri li jippermettu li jsir smigħ mingħajr il-preżenza tal-pubbliku.

Artikolu 24

Dritt għall-protezzjoni ta’ vittmi tfal waqt il-proċedimenti kriminali

1.   Minbarra l-miżuri previsti fl-Artikolu 23, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn il-vittma hija tifel jew tifla:

(a)

f'investigazzjonijiet kriminali, l-intervisti kollha mal-vittmi tfal jistgħu jiġu rreġistrati awdjoviżwalment u tali intervisti rreġistrati jistgħu jintużaw bħala evidenza fi proċedimenti kriminali;

(b)

f'investigazzjonijiet u proċedimenti kriminali, f'konformità mar-rwol tal-vittmi fis-sistema tal-ġustizzja kriminali rilevanti, l-awtoritajiet kompetenti jaħtru rappreżentant speċjali għat-tfal vittmi fejn, skont il-liġi nazzjonali, id-detenturi tar-responsabbiltà ta' ġenitur jinżammu milli jirrapreżentaw it-tifel jew tifla vittma bħala riżultat ta' kunflitt ta' interess bejnhom u t-tifel jew tifla vittma, jew fejn it-tifel jew tifla vittma ma tkunx akkumpanjata jew tkun separata mill-familja;

(c)

fejn it-tfal vittmi jkollhom id-dritt għal avukat, it-tfal għandu jkollhom id-dritt għall-parir u r-rappreżentazzjoni legali tagħhom, f'isimhom, fi proċediment fejn hemm, jew jista' jkun hemm, kunflitt ta' interess bejn it-tfal vittmi u d-detenturi tar-responsabbiltà parentali.

Ir-regoli proċedurali għar-reġistrazzjonijiet awdjoviżivi msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu 1 u l-użu tagħhom għandu jiġi ddeterminat mil-liġi nazzjonali.

2.   Fejn l-età ta' vittma ma tkunx ċerta, u hemm raġunijiet għaliex wieħed jemmen li l-vittma hija tifel jew tifla, il-vittma għandha, għall-fini ta' din id-Direttiva, titqies bħala tifel jew tifla.

KAPITOLU 5

DISPOŻIZZJONIJIET OĦRA

Artikolu 25

Taħriġ tal-prattikanti

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li uffiċjali li x'aktarx ikollhom kuntatt mal-vittmi, bħal uffiċjali tal-pulizija u persunal tal-qorti jirċievu kemm taħriġ ġenerali kif ukoll speċjalizzat għal livell adatt għall-kuntatt tagħhom mal-vittmi biex isiru aktar konxji tal-ħtiġijiet tal-vittmi u sabiex ikunu jistgħu jittrattaw mal-vittmi b'mod imparzjali, rispettuż u professjonali.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-indipendenza ġudizzjarja u d-differenzi fl-organizzazzjoni tal-ġudikatura fl-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jitolbu li dawk responsabbli għat-taħriġ tal-imħallfin u l-prosekuturi involuti fi proċedimenti kriminali jagħmlu disponibbli kemm taħriġ ġenerali kif ukoll speċjalizzat biex l-imħallfin u l-prosekuturi jsiru aktar konxji tal-ħtiġijiet tal-vittmi.

3.   Bir-rispett dovut għall-indipendenza tal-professjoni legali, l-Istati Membri għandhom jirrakkomandaw li dawk responsabbli għat-taħriġ tal-avukati jagħmlu disponibbli kemm taħriġ ġenerali kif ukoll speċjalizzat biex l-avukati jsiru aktar konxji tal-ħtiġijiet tal-vittmi.

4.   Permezz tas-servizzi pubbliċi tagħhom jew billi jiffinanzjaw l-organizzazzjonijiet ta' appoġġ għall-vittmi, l-Istati Membri għandhom iħeġġu inizjattivi li jagħmluha possibbli għal dawk li jagħtu appoġġ lill-vittmi u servizzi ta' ġustizzja restorattiva li jirċievu taħriġ adegwat għal livell adatt għall-kuntatt tagħhom mal-vittmi u josservaw standards professjonali biex jiġi żgurat li servizzi bħal dawn jingħataw b'mod imparzjali, rispettuż u professjonali.

5.   Skont id-dmirijiet involuti, u n-natura u l-livell ta' kuntatt li l-prattikant ikollu mal-vittmi, it-taħriġ għandu jkollu l-għan li jagħmilha possibbli għall-prattikant li jirrikonoxxi l-vittmi u li jitrattahom b'mod rispettuż, professjonali u mhux diskriminatorju.

Artikolu 26

Kooperazzjoni u koordinazzjoni tas-servizzi

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu azzjoni adatta biex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri biex itejbu l-aċċess tal-vittmi għad-drittijiet stabbiliti f'din id-Direttiva u skont il-liġi nazzjonali. Kooperazzjoni bħal din għandha mill-inqas tkun immirata lejn:

(a)

l-iskambju tal-aħjar prattika;

(b)

il-konsultazzjoni f'każijiet individwali; u

(c)

l-għajnuna lil netwerks Ewropej li jaħdmu fuq kwistjonijiet direttament rilevanti għad-drittijiet tal-vittmi.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu azzjoni adatta, inkluż permezz tal-internet, bil-għan li ssir sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet stipulati f'din id-Direttiva, jitnaqqas ir-riskju ta' vittimizzazzjoni, u jiġi minimizzat l-impatt negattiv tal- kriminalità u r-riskji ta' vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta, tal-intimidazzjoni u tar-ritaljazzjoni, b'mod partikolari billi jkunu fil-mira gruppi f'riskju bħal tfal, vittmi ta' vjolenza abbażi tas-sessi u ta' vjolenza f'relazzjonijiet mill-qrib. Azzjoni bħal din għandha tinkludi kampanji ta' informazzjoni u sensibilizzazzjoni, u programmi ta’ riċerka u edukazzjoni, fejn adatt f'kooperazzjoni ma' aġenziji rilevanti tas-soċjetà ċivili u partijiet interessati oħrajn.

KAPITOLU 6

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 27

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa 16 ta’ Novembru 2015.

2.   Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn referenza bħal din fil-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza.

Artikolu 28

Għoti ta’ data u statistika

L-Istati Membri għandhom sas-16 ta’ Novembru 2017 u kull tliet snin wara dan jikkomunikaw lill-Kummissjoni data disponibbli li turi kif il-vittmi kellhom aċċess għad-drittijiet stabbiliti f'din id-Direttiva.

Artikolu 29

Rapport

Il-Kummissjoni għandha, sas-16 ta’ Novembru 2017, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jivvaluta kemm l-Istati Membri ħadu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva, u jinkludi deskrizzjoni tal-azzjoni meħuda skont l-Artikoli 8, 9 u 23, akkumpanjat, jekk meħtieġ, minn proposti leġislattivi.

Artikolu 30

Sostituzzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2001/220/ĠAI

Id-Deċiżjoni Qafas 2001/220/ĠAI hija b'dan sostitwita b'rabta mal-Istati Membri li qed jipparteċipaw fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri marbuta mal-iskadenzi għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali.

B'rabta mal-Istati Membri li qed jipparteċipaw fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva, ir-referenzi għal dik id-Deċiżjoni Qafas għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal din id-Direttiva.

Artikolu 31

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 32

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri f'konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu, il-25 ta’ Ottubru 2012.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

A. D. MAVROYIANNIS


(1)  ĠU C 43, 15.2.2012, p. 39.

(2)  ĠU C 113, 18.4.2012, p. 56.

(3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Settembru 2012 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)] u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-4 ta' Ottubru 2012.

(4)  ĠU L 82, 22.3.2001, p. 1.

(5)  ĠU C 115, 4.5.2010, p. 1.

(6)  ĠU C 187, 28.6.2011, p. 1.

(7)  ĠU C 285E, 21.10.2010, p. 53.

(8)  ĠU C 296E, 2.10.2012, p. 26.

(9)  ĠU L 388, 21.12.2011, p. 2.

(10)  ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1.

(11)  ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1.

(12)  ĠU L 164, 22.6.2002, p. 3.

(13)  ĠU L 328, 15.12.2009, p. 42.

(14)  ĠU L 350, 30.12.2008, p.60.

(15)  ĠU C 35, 9.2.2012, p. 10.

(16)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(17)  ĠU C 197, 12.7.2000, p. 3.


14.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 315/74


DIRETTIVA 2012/30/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-25 ta' Ottubru 2012

dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta' kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 54 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dwar il-formazzjoni ta’ kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbiltà limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-għan li jagħmlu dawn is-salvagwardji ekwivalenti

(Riformulazzjoni)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 50(1) u (2) (g) tiegħu;

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara trażmissjoni tal-proposta tal-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1), Mal-proċedura ordinarja leġiżlattiva,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

It-tieni Direttiva tal-Kunsill 77/91/KEE tat-13 ta’ Diċembru 1976 dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni ta’ l-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta' kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 54 tat-Trattat, dwar il-formazzjoni ta’ kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbiltà limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-għan li jagħmlu dawn is-salvagwardji ekwivalenti (3) ġiet emendata kemm-il darba (4) b’mod sostanzjali. Peress li għandhom isiru iktar emendi, din għandha tiġi rriformulata fl-interessi taċ-ċarezza.

(2)

Il-koordinazzjoni prevista fil-punt (g) tal-Artikolu 50(2) (g) tat-Trattat u fil-Programm Ġenerali għat-tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment, li nbdiet mill-ewwel Direttiva tal-Kunsill 68/151/KEE tad-9 ta’ Marzu 1968 dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni ta’ l-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta' kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 58 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti f’kull parti tal-Komunità (5), hija speċjalment importanti dwar kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata, għaliex l-attivitajiet tagħhom jippredominaw fl-ekonomija ta’ l-Istati Membri u jestendu ħafna drabi lil hinn mill-fruntieri nazzjonali tagħhom.

(3)

Sabiex tiġi assigurata protezzjoni minima ekwivalenti kemm għal azzjonisti u kemm għal kredituri ta’ kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata, l-koordinazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jirreferu għall-formazzjoni tagħhom u għaż-żamma, żieda jew tnaqqis tal-kapital tagħhom hija partikolarment importanti.

(4)

Fl-Unjoni-, l-istatuti jew l-att ta’ inkorporazzjoni ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata għandhom jagħmluha possibbli għal kull persuna interessata li tkun taf id-dettalji bażiċi tal-kumpannija, inkluż l-kompożizzjoni eżatta tal-kapital tagħha.

(5)

Dispożizzjonijiet fl-Unjoni — huma meħtieġa biex jinżamm il-kapital, li jikkostitwixxi s-sigurtà tal-kredituri, b’mod partikolari billi ma jippermettux it-tnaqqis tiegħu bit-tqassim lill-azzjonisti meta dawn ta' l-aħħar ma għandhomx dritt għalih u billi jimponu limiti fuq id-dritt tal-kumpannija li takkwista l-azzjonijiet tagħha stess.

(6)

Ir-restrizzjonijiet fuq il-kisba minn kumpannija ta’ l-ishma tagħha stess għandhom japplikaw mhux biss għall-kisbiet magħmula minn kumpannija nfisha iżda wkoll għal dawk magħmula minn kull persuna li taġixxi f’isimha stess imma f’isem il-kumpannija.

(7)

Sabiex kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata ma titħalliex tuża kumpannija oħra li fiha żżomm il-maġġoranza tal-jeddijiet tal-vot jew li fuqha tista’ teżerċita influwenza dominanti sabiex tagħmel dawn il-kisbiet mingħajr ma tħares ir-restrizzjonijiet imposti f’dan ir-rigward, l-arranġamenti li jirregolaw kisba minn kumpannija ta’ l-ishma tagħha stess għandhom jiġu estiżi sabiex ikopru l-iktar każijiet importanti u frekwenti tal-kisba ta’ l-ishma minn kumpanniji oħra bħal dawn. Dawn l-arranġamenti għandhom jiġu estiżi sabiex ikopru s-sottoskrizzjoni għall-ishma fil-kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata.

(8)

Sabiex jiġi pprevenut il-ħrib minn din id-Direttiva, il-kumpanniji rregolati mid-Direttiva 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 54 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti (6) u l-kumpanniji rregolati mil-liġijiet ta’ pajjiżi terzi u li għandhom forom legali paragunabbli għandhom jiġu koperti wkoll mill-arranġamenti msemmija fil-premessa 7.

(9)

Meta r-relazzjoni bejn kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata u kumpannija oħra bħal dik imsemmija fil-premessa 7 tkun indiretta biss, ikun jidher iġġustifikat li jiġu llaxkati d-dispożizzjonijiet li japplikaw meta din ir-relazzjoni tkun diretta billi jiġi pprovvdut għas-sospensjoni tal-jeddijiet tal-vot bħala miżura minima sabiex jinkisbu l-għanijiet ta’ din id-Direttiva.

(10)

Barra minn hekk, ikun iġġustifikat li jiġu eżentati każijiet li fihom in-natura speċifika tar-regoli ta’ attività professjonali teskludi l-possibbiltà li l-kisba ta’ l-għanijiet ta’ din id-Direttiva jistgħu jiġu pperikolati.

(11)

Huwa meħtieġ, wara li jiġu kkunsidrati l-għanijiet tal-punt (g) tal-Artikolu 50(2) tat-Trattat, li l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar iż-żieda jew tnaqqis ta’ kapital jassiguraw li l-prinċipji ta’ trattament indaqs ta’ azzjonisti fl-istess pożizzjoni u ta’ protezzjoni ta’ kredituri li t-talbiet tagħhom jeżistu qabel id-deċiżjoni dwar tnaqqis huma mħarsa u armonizzati.

(12)

Sabiex tittejjeb il-protezzjoni standardizzata tal-kreditur fl-Istati Membri kollha, il-kredituri għandhom ikunu jistgħu jirreferu, taħt ċerti kundizzjonijiet, għall-proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi fejn it-talbiet tagħhom huma fir-riskju bħala konsegwenza ta’ tnaqqis tal-kapital ta’ kumpannija pubblika b’responabbiltà limitata.

(13)

Sabiex jiġi assigurat li jiġi evitat l-abbuż fis-suq, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont, għall-iskop ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, tad-dispożizzjonjiet tad-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar insider dealing u l-manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq) (7), tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2273/2003 tat-22 ta’ Diċembru 2003 li jimplimenta d-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-eżenzjonijiet għall-programmi ta’ xiri lura u l-istabbilizzazzjoni ta’ l-istrumenti finanzjarji (8) u tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/72/KE tad-29 ta’ April 2004 li timplimenta d-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li jirrigwarda l-prattiċi aċċettati tas-suq, id-definizzjoni ta’ l-informazzjoni interna b’relazzjoni mad-derivati dwar il-kommoditajiet, it-tħejjija ta’ listi ta’ persuni interni, in-notifika tat-tranżazzjonijiet ta' l-amministraturi u n-notifika ta' tranżazzjonijiet suspettużi (9).

(14)

Fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Mejju 2008 fil-Każ C-133/06 Parlament v Kunsill (10), ġie meqjus neċessarju li l-kliem tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 77/91/KEE jiġi rriformulat sabiex titneħħa bażi ġuridika sekondarja eżistenti u sabiex ikun hemm provvediment għall-eżami u, jekk hemm bżonn, ir-reviżjoni tal-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dak l-Artikolu kemm mill-Parlament Ewropew u kemm mill-Kunsill.

(15)

Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ l-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-trażpożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni tad-Direttivi mniżżla fl-Anness II, Parti B,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

1.   Il-miżuri ta’ koordinazzjoni preskritti minn din id-Direttiva għandhom japplikaw għad-dispożizzjonijiet stabbiliti mil-liġi, regolamenti jew azzjonijiet amministrattivi fi Stati Membri dwar it-tipi ta’ kumpanniji elenkati fl-Anness I.

L-isem ta’ kull kumpannija tat-tipi elenkati fl-Anness I għandu jinkludi jew ikollu miegħu deskrizzjoni li hija distinta mid-deskrizzjoni meħtieġa għal tipi oħra ta’ kumpanniji.

2.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx din id-Direttiva għal kumpanniji ta’ investiment b’kapital varjabbli u għal kooperattivi inkorporati bħala wħud mit-tipi ta’ kumpanniji elenkati fl-Anness I. Safejn il-liġijiet ta’ l-Istati Membri jagħmlu użu minn din l-għażla, huma għandhom jeħtieġu li dawk il-kumpanniji jinkludu l-kliem “kumpannija ta’ investiment b’kapital varjabbli” jew “kooperattiva” fid-dokumenti kollha indikati fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/101/KE.

L-espressjoni “kumpannija ta’ investiment b’kapital varjabbli”, fis-sens ta’ din id-Direttiva, tfisser dawk il-kumpanniji biss:

li l-iskop esklussiv tagħhom huwa li jinvestu l-fondi tagħhom f’diversi azzjonijiet u ishma, artijiet jew a ieħor bil-għan uniku li jifirxu r-riskji ta’ l-investiment u li jagħtu lill-azzjonisti tagħhom il-benefiċċju tar-riżultati tat-tmexxija ta’ l- tagħhom,

li joffru l-ishma tagħhom stess għal sottoskrizzjoni mill-pubbliku, u

li l-istatuti tagħhom jiddisponu li, fil-limiti ta’ kapital minimu u massimu, huma jistgħu f’kull żmien joħorġu, jifdu jew jerġgħu jbiegħu l-ishma tagħhom.

Artikolu 2

L-istatuti jew l-atti ta’ inkorporazzjoni tal-kumpannija għandhom għall-inqas dejjem jagħtu l-informazzjoni li ġejja:

(a)

it-tip u l-isem tal-kumpannija;

(b)

l-għanijiet tal-kumpannija;

(c)

meta l-kumpannija ma għandhiex kapital awtorizzat, l-ammont tal-kapital sottoskritt,

(d)

meta l-kumpannija għandha kapital awtorizzat, l-ammont tiegħu kif ukoll l-ammont tal-kapital sottoskritt fiż-żmien li l-kumpannija hija inkorporata jew hija awtorizzata biex tibda n-negozju, u fiż-żmien ta’ kull tibdil fil-kapital awtorizzat, mingħajr preġudizzju għall-punt (e) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/101/KE;

(e)

safejn ma jkunux legalment stabbiliti, r-regoli li jirregolaw in-numru ta’, u l-proċedura għall-ħatra tal-membri tal-korpi responsabbli biex jirrappreżentaw il-kumpannija rigward partijiet terzi, amministrazzjoni, ġestjoni, sorveljanza jew kontroll tal-kumpannija u l-għoti ta’ setgħat fost dawn il-korpi;

(f)

it-tul ta’ żmien tal-kumpannija, ħlief meta dan mhux definit.

Artikolu 3

L-informazzjoni li ġejja għandha mill-inqas tidher fl-istatuti jew fl-atti ta’ inkorporazzjoni jew f’dokument separat ippubblikat skond il-proċedura stabbilita fil-liġijiet ta’ kull Stat Membru skond l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/101/KE:

(a)

l-uffiċċju reġistrat;

(b)

il-valur nominali ta’ l-ishma sottoskritti u, għall-inqas darba fis-sena, in-numru tagħhom;

(c)

in-numru ta’ ishma sottoskritti mingħajr dikjarazzjoni tal-valur nominali, meta dawk l-ishma jistgħu jinħarġu skond il-liġi nazzjonali;

(d)

il-kondizzjonijiet speċjali, jekk hemm, li jillimitaw it-trasferiment ta’ ishma;

(e)

meta hemm diversi klassijiet ta’ ishma, l-informazzjoni msemmija f’punti (b), (c) u (d) għal kull klassi u d-drittijiet assoċjati ma’ l-ishma ta’ kull klassi;

(f)

jekk l-ishma huma rreġistrati jew għad-detentur, meta l-liġi nazzjonali tiddisponi għaż-żewġ tipi, u kull dispożizzjoni li tirreferixxi għall-konverżjoni ta’ dawk l-ishma kemm-il darba l-proċedura hija speċifikata bil-liġi;

(g)

l-ammont tal-kapital sottoskritt imħallas fiż-żmien li l-kumpannija hija inkorporata jew hija awtorizzata biex tibda n-negozju;

(h)

il-valur nominali ta’ l-ishma jew, meta ma hemmx valur nominali, in-numru ta’ ishma maħruġa għal xi konsiderazzjoni oħra għajr fi flus, flimkien max-xorta tal-konsiderazzjoni u l-isem tal-persuna li tagħti dik il-konsiderazzjoni;

(i)

l-identità tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew kumpanniji jew ditti li ffirmaw jew li ġew iffirmati f’isimhom l-istatuti jew l-atti ta’ inkorporazzjoni, jew meta l-kumpannija ma kenitx iffurmata fl-istess żmien, l-abbozzi ta’ dawk id-dokumenti;

(j)

l-ammont totali, jew għall-inqas stima, ta’ l-ispejjeż kollha li għandhom jitħallsu mill-kumpannija jew li għandhom jitħallsu minnha minħabba l-formazzjoni tagħha u, meta xieraq, qabel il-kumpannija hija awtorizzata biex tibda n-negozju; u

(k)

kull vantaġġ speċjali mogħti, fiż-żmien li l-kumpannija hija ffurmata jew sa meta hija tirċievi awtorizzazzjoni biex tibda n-negozju, lil kull min ħa parti fil-formazzjoni tal-kumpannija jew fi transazzjonijet li jwasslu għall-għoti ta’ dik l-awtorizzazzjoni.

Artikolu 4

1.   Meta l-liġijiet ta’ Stat Membru jippreskrivu li kumpannija ma tistax tibda n-negozju mingħajr awtorizzazzjoni, huma għandhom jiddisponu wkoll għal responsabbilta' għal passivi inkorsi minn jew f’isem il-kumpannija matul il-perjodu qabel dik l-awtorizzazzjoni hija mogħtija jew rifjutata.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal passivi taħt kuntratti konklużi mill-kumpannija bil-kondizzjoni li hija tingħata awtorizzazzjoni li tibda n-negozju.

Artikolu 5

1.   Meta l-liġijiet ta’ Stat Membru jeħtieġu li kumpannija tiġi ffurmata minn iktar minn membru wieħed, il-fatt li l-ishma kollha jinżammu minn persuna waħda jew li n-numru ta’ membri niżel taħt il-minimu legali wara l-inkorporazzjoni tal-kumpannija ma għandux iwassal għax-xoljiment awtomatiku tal-kumpannija.

2.   Jekk fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-liġijiet ta’ Stat Membru jħallu l-kumpannija li tiġi stralċjata b’ordni tal-qorti, l-imħallef li għandu ġurisdizzjoni għandu jkun jista’ jagħti lill-kumpannija biżżejjed żmien biex tirregolarizza l-pożizzjoni tagħha.

3.   Meta ssir l-ordni ta’ stralċ imsemmi fil-paragrafu 2 il-kumpannija għandha tidħol f’likwidazzjoni.

Artikolu 6

1.   Il-liġijiet ta’ l-Istati Membri għandhom jeħtieġu li, sabiex kumpannija tista’ tiġi inkorporata jew tikseb awtorizzazzjoni biex tibda n-negozju, kapital minimu għandu jiġi sottoskritt li l-ammont tiegħu għandu jkun mhux inqas minn EUR 25 000.

2.   Kull ħames snin il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, waqt li jaġixxu fuq proposta mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 50(1) u 2(g) tat-Trattat, għandhom jeżaminaw u, jekk ikun hemm bżonn, jirrevedu l-ammont espress fil-paragrafu 1 f’ euro fid-dawl ta’ tendenzi ekonomiċi u monetarji fl-Unjoni u tat-tendenza li impriżi kbar jew ta’ daqs medju biss jitħallew biex jagħżlu t-tipi ta’ kumpanniji elenkati fl- Anness I.

Artikolu 7

Il-kapital sottoskritt jista’ jiġi ffurmat biss minn attiv li jista' jkun valutat ekonomikament. Iżda, impriża li tagħmel xogħol jew tipprovdi servizzi ma tistax tifforma parti minn dak l-attiv.

Artikolu 8

Ma jistgħux jinħarġu ishma bi prezz inqas mill-valur nominali tagħhom, jew, meta ma hemmx valur nominali, mill-parità kontabbli tagħhom.

Iżda, l-Istati Membri jistgħu jħallu lil dawk li jimpenjaw ruħhom biex jallokaw ishma fl-eżerċizzju tal-professjoni tagħhom biex iħallsu inqas mill-prezz totali ta’ l-ishma li għalihom huma jissottoskrivu fil-kors ta’ dik it-transazzjoni.

Artikolu 9

Ishma maħruġa għal xi konsiderazzjoni għandhom jitħallsu fiż-żmien li l-kumpannija hija inkorporata jew li tkun awtorizzata biex tibda n-negozju b’mhux inqas minn 25 % tal-valur nominali tagħhom jew, fin-nuqqas ta’ valur nominali, tal-parità kontabbli tagħhom.

Iżda, meta ishma jinħarġu għal xi konsiderazzjoni għajr fi flus fiż-żmien li l-kumpannija hija inkorporata jew li tkun awtorizzata biex tibda n-negozju, il-konsiderazzjoni għandha tiġi trasferita kollha f’perjodu ta’ ħames snin minn dak iż-żmien.

Artikolu 10

1.   Rapport dwar kull konsiderazzjoni li ma tkunx fi flus għandu jiġi mfassal qabel ma l-kumpannija tiġi inkorporata jew awtorizzata biex tibda n-negozju, minn espert indipendenti wieħed jew iżjed maħtura jew approvati minn awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja. Dawn l-esperti jistgħu jkunu persuni fiziċi kif ukoll persuni ġuridiċi u kumpanniji jew ditti skond il-liġijiet ta’ kull Stat Membru.

2.   Ir-rapport ta’ l-esperti msemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun fih għall-inqas deskrizzjoni ta’ kwalunkwe wieħed mill-attiv inkluż fil-konsiderazzjoni kif ukoll tal-metodi ta’ valutazzjoni użati u għandu jiddikjara jekk il-valuri li jaslu għalihom bl-applikazzjoni ta’ dawk il-metodi jaqblux għall-inqas man-numru u valur nominali jew, meta ma hemmx valur nominali, għall-paritŕ kontabbli u, meta xieraq, għall-premium fuq l-ishma li għandhom jinħarġu għalihom.

3.   Ir-rapport ta’ l-esperti għandu jiġi ppubblikat bil-mod preskritt mil-liġijiet ta’ kull Stat Membru, skond l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/101/KE.

4.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx dan l-Artikolu meta 90 % tal-valur nominali, jew meta ma hemmx valur nominali, tal-parità kontabbli, ta’ l-ishma kollha jinħareġ lil kumpannija waħda jew iżjed għal xi konsiderazjoni għajr fi flus, u meta r-rekwiżiti li ġejjin huma mħarsa:

(a)

rigward il-kumpannija li tirċievi dik il-konsiderazzjoni, il-persuni msemmija fil-punt (i) tal-Artikolu 3 ikunu ftiehmu li ma jużawx ir-rapport ta’ l-esperti;

(b)

dak il-ftehim ġie pubblikat kif previst fil-paragrafu 3;

(c)

il-kumpanniji li jipprovdu dik il-konsiderazzjoni għandhom riservi li ma jistgħux jitqassmu skond il-liġi jew l-istatuti u li huma għall-inqas daqs il-valur nominali jew, meta ma hemmx valur nominali, l-parità kontabbli ta’ l-ishma maħruġa għal xi konsiderazzjoni għajr fi flus;

(d)

il-kumpanniji li jipprovdu din il-konsiderazzjoni jiggarantixxu, sa ammont daqs dak muri f’punt (c), id-djun tal-kumpannija li tirċievi li jsiru bejn iż-żmien meta l-ishma jinħarġu għal xi konsiderazzjoni għajr fi flus u sena wara l-pubblikazzjoni tal-kontijiet annwali ta’ dik il-kumpannija għas-sena finanzjarja li matulha tkun ingħatat dik il-konsiderazzjoni; kull trasferiment ta’ dawk l-ishma huwa projbit f’dan il-perjodu;

(e)

il-garanzija msemmija f’punt (d) ġiet ippubblikata kif previst fil-paragrafu 3; u

(f)

il-kumpanniji li jipprovdu tali konsiderazzjoni għandhom iqiegħdu somma daqs dik indikata fil-punt (c) f’riserva li ma tistax tiġi mqassma sa tliet snin wara l-pubblikazzjoni tal-kontijiet annwali tal-kumpannija li tirċievi għas-sena finanzjarja li matulha din il-konsiderazzjoni tkun ingħatat jew, jekk meħtieġ, sa data aktar tard meta l-pretensjonijiet kollha li għandhom x’jaqsmu mal-garanzija msemmija f’punt (d) li jingħataw matul dak il-perjodu jkunu ġew solvuti.

5.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx dan l-Artikolu fil-każ li titfassal kumpannija ġdida permezz ta’ għaqda jew diviżjoni meta rapport ta’ espert jew esperti indipendenti huwa mfassal dwar l-abbozz tat-termini tal-għaqda jew tad-diviżjoni.

Fejn l-Istati Membri jiddeċiedu li japplikaw dan l-Artikolu fil-każijiet imsemmijin fl-ewwel subparagrafu, huma jistgħu jipprovdu li r-rapport taħt dan l-Artikolu u r-rapport tal- espert jew esperti indipendenti dwar l-abbozz tat-termini tal-għaqda jew tad-diviżjoni jista’ jitfassal mill-istess espert jew esperti.

Artikolu 11

1.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu biex ma japplikawx l-Artikolu 10(1), (2) u (3) ta' din id-Direttiva fejn, wara deċiżjoni tal-korp amministrattiv jew il-korp tat-tmexxija, titoli trasferibbli kif definiti fil-punt 18 ta’ l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji (11) jew strumenti tas-suq tal-flus kif definiti fil-punt 19 ta’ l-Artikolu 4(1) ta’ dik id-Direttiva, huma kontribwiti bħala konsiderazzjoni għajr fi flus, u dawk it-titoli jew strumenti tas-suq tal-flus huma valutati bil-prezz medju mwieżen li bih ġew negozjati f’suq wieħed jew aktar regolati kif definit fil-punt 14 ta’ l-Artikoli 4(1) ta’ dik id-Direttiva tul perjodu suffiċjenti, li għandu jiġi deċiż skond il-liġi nazzjonali, li jippreċedi d-data effettiva tal-kontribuzzjoni tal-konsiderazzjoni rispettiva għajr fi flus.

Madanakollu, fejn dak il-prezz ġie affettwat minn ċirkostanzi eċċezzjonali li jibdlu b’mod sinifikattiv il-valur ta’ l-attiv fid-data effettiva tal-kontribuzzjoni tagħha, inklużi sitwazzjonijiet fejn is-suq għat-tali titoli trasferibbli jew strumenti tas-suq tal-flus spiċċa b’nuqqas ta’ likwidità, għandha terġà ssir evalwazzjoni mill-ġdid fuq l-inizjattiva u taħt ir-responsabbiltà tal-korp amministrattiv jew tat-tmexxija.

Għall-għanijiet ta’ tali evalwazzjoni mill-ġdid, l-Artikoli 10(1), (2) u (3) għandhom japplikaw.

2.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx l-Artikolu 10(1), (2) u (3) fejn, fuq deċiżjoni tal-korp amministrattiv jew tat-tmexxija, attiv, ħlief titoli trasferibbli u strumenti tas-suq tal-flus imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, huma kontribwiti bħala konsiderazzjoni għajr fi flus li diġà kien suġġett għal opinjoni ta’ valur ġust minn espert rikonoxxut indipendenti u fejn il-kondizzjonijiet li ġejjin huma ssodisfati:

(a)

il-valur ġust hu determinat sa mhux iżjed minn 6 xhur qabel id-data effettiva tal-kontribuzzjoni ta’ l-attiv; u

(b)

l-evalwazzjoni twettqet b’mod konformi ma’ l-istandards ta’ evalwazzjoni u l-prinċipji ġeneralment aċċettati fl-Istat Membru, li huma applikabbli għat-tip ta’ attiv li għandu jkun kontribwit.

Fil-każ ta’ ċirkustanzi ġodda kwalifikanti, li jbiddlu b’mod sinifikattiv il-valur ġust ta’ l-attiv fid-data effettiva tal-kontribuzzjoni tiegħu, għandha ssir evalwazzjoni mill-ġdid fuq l-inizjattiva u taħt ir-responsabbiltà tal-korp amministrattiv jew tat-tmexxija.

Għall-għanijiet ta’ tali evalwazzjoni mill-ġdid, l-Artikoli 10(1), (2) u (3) għandhom japplikaw.

Fin-nuqqas ta’ tali evalwazzjoni mill-ġdid, azzjonist wieħed jew aktar li jkollhom persentaġġ aggregat ta’ mill-anqas 5 % tal-kapital sottoskritt tal-kumpannija fil-ġurnata li fiha tittieħed id-deċiżjoni fuq iż-żieda tal-kapital jistgħu jitolbu evalwazzjoni minn espert indipendenti, f’liema każ l-Artikolu 10(1), (2) u (3) għandu japplika.

Tali azzjonist(i) jistgħu jissottomettu talba sad-data effettiva tal-kontribuzzjoni ta’ l-attiv, bil-kondizzjoni li, fid-data tat-talba, l-azzjonist(i) involut(i) ikun għad għandhom persentaġġ aggregat ta’ mill-inqas 5 % tal-kapital sottoskritt tal-kumpannija, kif kien fil-ġurnata meta ttieħdet id-deċiżjoni dwar iż-żieda tal-kapital.

3.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx l-Artikolu 10(1), (2) u (3) fejn, fuq deċiżjoni tal-korp amministrattiv jew tat-tmexxija, attiv, ħlief titoli trasferibbli u strumenti tas-suq tal-flus imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, huma kontribwiti bħala konsiderazzjoni għajr fi flus li l-valur ġust tagħhom hu derivat minn attiv individwali minn kontijiet statutorji tas-sena finanzjarja ta’ qabel sakemm il-kontijiet statutorji kienu soġġetti għal verifika b’mod konformi mad-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta' Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati (12).

It-tieni u ħames subparagrafu tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandhom japplikaw mutatis mutandis.

Artikolu 12

1.   Fejn konsiderazzjoni għajr fi flus kif imsemmija fl-Artikolu 11 sseħħ mingħajr ir-rapport ta’ l- esperti imsemmi fl-Artikolu 10(1), (2) u (3), barra mill-ħtiġijiet stabbiliti fil-punt(h) ta’ l-Artikolu 3 u sa xahar wara d-data effettiva tal-kontribuzzjoni ta’ l-attiv, għandha tiġi ppubblikata dikjarazzjoni li jkun fiha dan li ġej:

(a)

deskrizzjoni tal-konsiderazzjoni għajr fi flus maħruġa;

(b)

il-valur tagħha, is-sors ta’ dik l-evalwazzjoni u, fejn ikun xieraq, il-metodu ta’ l-evalwazzjoni;

(c)

stqarrija dwar jekk il-valur miksub jikkorrispondiex għall-inqas għan-numru, għall-valur nominali jew, fejn m’hemmx valur nominali, għall-parità kontabbli u, fejn hu xieraq, għall-primjum fuq l-ishma li għandhom jinħarġu għal tali konsiderazzjoni; u

(d)

stqarrija dwar il-fatt li ma seħħew l-ebda ċirkustanzi kwalifikanti ġodda li jaffetwaw il-valutazzjoni oriġinali.

Dik il-publikazzjoni għandha ssir bil-mod stipulat mil-liġijiet ta’ kull Stat Membru b’mod konformi ma’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/101/KE.

2.   Fejn konsiderazzjoni għajr fi flus kontanti hija proposta li ssir mingħajr rapport ta’ l- esperti kif imsemmi fl-Artikolu 10(1), (2) u (3) fir-rigward ta’ żieda fil-kapital proposta biex issir skond l-Artikolu 29(2), għandu jiġi ppubblikat avviż li jkun fih id-data ta’ meta tkun ittieħdet id-deċiżjoni dwar iż-żieda u l-informazzjoni elenkata fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, bil-mod stipulat mil-liġijiet ta’ kull Stat Membru b’mod konformi ma’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/101/KE, qabel ma l-kontribuzzjoni ta’ l-attiv bħala konsiderazzjoni għajr fi flustidħol fis-seħħ. F’dak il-każ, id-dikjarazzjoni skond il-paragrafu 1 għandha tkun limitata għall-istqarrija dwar il-fatt li ma seħħew l-ebda ċirkustanzi kwalifikanti ġodda minn meta l-avviż hawn fuq imsemmi ġie ppubblikat.

3.   Kull Stat Membru għandu jipprovdi salvagwardji xierqa li jaċċertaw il-konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 11 u f’dan l-Artikolu fejn kontribuzzjoni għal konsiderazzjoni għajr fi flus issir mingħajr rapport ta’ l- esperti kif imsemmi fl-Artikolu 10(1), (2) u (3).

Artikolu 13

1.   Jekk, qabel l-għeluq ta’ limitu ta’ żmien preskritt mil-liġi nazzjonali ta’ mill-inqas sentejn minn meta l-kumpannija tiġi inkorporata jew awtorizzata biex tibda n-negozju, l-kumpannija takkwista kwalunkwe wieħed mill-attiv li huwa ta’ persuna jew kumpannija jew ditta msemmija fil-punt (i) tal-Artikolu 3 għal konsiderazzjoni ta’ mhux inqas minn wieħed f’għaxra tal-kapital sottoskritt, l-akkwist għandu jiġi eżaminat u dettalji tiegħu għandhom jiġu pubblikati bil-mod previst fl- Artikolu 10(1), (2) u (3) u huwa għandu jiġi ppreżentat għall-approvazzjoni tal-laqgħa ġenerali.

L-Artikoli 11 u 12 għandhom japplikaw mutatis mutandis.

L-Istati Membri jistgħu wkoll jeħtieġu li dawk id-dispożizzjonijet għandhom jiġu applikati meta l-attiv ikun ta’ xi azzjonista jew ta’ xi persuna oħra.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal akkwisti effettwati fil-kors normali tan-negozju tal-kumpannija, għal akkwisti effettwati fuq talba jew taħt is-sorveljanza ta’ awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja, jew għal akkwisti tal-borża.

Artikolu 14

Bla ħsara għad-dispożizzjonjijiet li għandhom x’jaqsmu mat-tnaqqis ta’ kapital sottoskritt, l-azzjonisti ma’ jistgħux jinħelsu mill-obbligu li jħallsu l-kontribuzzjonijet tagħhom.

Artikolu 15

Sakemm ikun hemm il-koordinazzjoni tal-liġijiet nazzjonali f’xi data sussegwenti, l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jeħtieġu dispożizzjoni ta’ għall-inqas l-istess salvagwardji kif huma preskritti fl-Artikoli 2 sa 14 fil-każ ta’ konverżjoni ta’ tip ieħor ta’ kumpannija f’kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata.

Artikolu 16

L-Artikoli 2 sa 15 ma għandhomx ikunu ta’ ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ Stati Membri dwar kompetenza u proċedura li għandhom x’jaqsmu mal-modifika ta’ l-istatuti jew l-att ta’ inkorporazzjoni.

Artikolu 17

1.   Ħlief għal każijiet ta’ tnaqqis ta’ kapital sottoskritt, ma tista’ ssir ebda distribuzzjoni lil azzjonisti meta fid-data ta’ l-għeluq ta’ l-aħħar sena finanzjarja l-attiv nett kif stabbilit fil-kontijiet annwali tal-kumpannija huwa, jew wara dak it-tqassim jista’ jsir, inqas mill-ammont tal-kapital sottoskritt biż-żieda ta’ dawk ir-riservi li ma jistgħux jiġu mqassma skond il-liġi jew l-istatuti.

2.   Meta l-parti mhux imsejħa tal-kapital sottoskritt m’hix inkluża fl-attiv muri fil-karta tal-bilanċ, dak l-ammont għandu jitnaqqas mill-ammont ta’ kapital sottoskritt imsemmi fil-paragrafu 1.

3.   L-ammont ta’ tqassim lil azzjonisti ma jistax ikun iżjed mill-ammont tal-qliegħ fit-tmiem ta’ l-aħħar sena finanzjarja b’żieda ta’ kull qliegħ magħmul u somom meħuda minn riservi disponibbli għal dan il-għan, imnaqqas kull telf magħmul u somom imqiegħda f’riserva skond il-liġi jew l-istatuti.

4.   L-espressjoni ‘tqassim’ użata f’paragrafi 1 u 3 tinkludi b’mod partikolari l-ħlas ta’ dividendi u ta’ imgħax li għandhom x’jaqsmu ma’ ishma.

5.   Meta l-liġijiet ta’ Stat Membru jippermettu l-ħlas ta’ dividendi interim, għandhom japplikaw għall-inqas il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

kontijiet interim għandhom jiġu mfassla biex juru li l-fondi disponibbli għal tqassim huma biżżejjed;

(b)

l-ammont li għandu jitqassam ma jistax ikun iżjed mill-profitti totali magħmula mit-tmiem ta’ l-aħħar sena finanzjarja li għaliha ġew imfassla l-kontijiet annwali, b’zjieda ta’ kull qliegħ magħmul u somom meħuda minn riservi disponibbli għal dak l-iskop, imnaqqsin kull telf magħmul u somom li għandhom jitqiegħdu f’riserva skond ir-rekwiżiti tal-liġi jew ta’ l-istatuti.

6.   Il-paragrafi 1 sa 5 ma għandhomx jaffettwaw id-dispożizzjonijiet ta’ l-Istati Membri dwar żidiet f’kapital sottoskritt b’ kapitalizzazzjoni ta’ riżervi.

7.   Il-liġijiet ta’ Stat Membru jistgħu jiddisponu għal deroga minn paragrafu 1 fil-każ ta’ kumpanniji ta’ investiment b’kapital fiss.

L-espressjoni “kumpannija ta’ investiment b’kapital fiss”, fis-sens ta’ dan il-paragrafu, tfisser dawk il-kumpanniji biss:

(a)

li l-għan esklussiv tagħhom huwa li jinvestu l-fondi tagħhom f’diversi azzjonijiet u ishma, artijiet jew assi oħrajn, bl-uniku għan li jifirxu riskji ta’ l-investiment u li jagħtu lill-azzjonisti tagħhom il-benefiċċju tar-riżultati ta’ l-amministrazzjoni ta’ l-tagħhom, u

(b)

li joffru l-ishma tagħhom stess għal sottoskrizzjoni mill-pubbliku.

Safejn il-liġijiet ta’ Stati Membri jagħmlu użu minn din l-għażla huma għandhom:

(a)

jeħtieġu li dawk il-kumpanniji jinkludu l-espressjoni 'kumpannija ta’ investiment' fid-dokumenti kollha murija fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/101/KE;

(b)

ma jħallux li xi kumpannija bħal dawn li l- nett tagħha jaqa’ taħt l-ammont speċifikat fil-paragrafu 1 tagħmel tqassim lil azzjonisti meta fid-data ta’ l-għeluq ta’ l-aħħar sena finanzjarja l-attiv totali tal-kumpannija kif jidher fil-kontijiet annwali huwa, jew wara dak it-tqassim jista’ jsir, inqas minn wieħed u nofs l-ammont tal-passiv totali tal-kumpannija lil kredituri kif imniżżel fil-kontijiet annwali; u

(ċ)

jeħtieġu li xi kumpannija bħal dawn li tagħmel tqassim meta l-attiv nett tagħha jaqa’ taħt l-ammont speċifikat fil-paragrafu 1 tinkludi fil-kontijiet annwali tagħha nota b'dan l-effett.

Artikolu 18

Kull tqassim magħmul kuntrarju għall-Artikolu 17 għandu jintradd lura minn azzjonisti li irċevewh jekk il-kumpannija turi li dawn l-azzjonisti kienu jafu bl-irregolarità tat-tqassim magħmul lilhom, jew li minħabba ċ-ċirkostanzi ma setgħux ma kienux jafu bih.

Artikolu 19

1.   Fi-każ ta’ telf serju tal-kapital sottoskrtitt, laqgħa ġenerali ta’ l-azzjonisti għandha tissejjaħ fil-perjodu speċifikat mil-liġijiet ta’ l-Istati Membri, biex jiġi kkunsidrat jekk il-kumpannija għandhiex tiġi stralċjata jew għandhomx jittieħdu xi miżuri oħra.

2.   L-ammont ta’ telf meqjus serju fis-sens ta’ paragrafu 1 ma jistax jiġi stabbilit mil-liġijiet ta’ Stati Membri f’ċifra ogħla minn nofs il-kapital sottoskritt.

Artikolu 20

1.   L-ishma ta’ kumpannija ma jistgħux jiġu sottoskritti mill-kumpannija nnifisha.

2.   Jekk l-ishma ta’ kumpannija ġew sottoskritti minn persuna li qed taġixxi f’isimha stess, iżda fl-interess tal-kumpannija, dak li jissottoskrivi għandu jiġi meqjus li ssottoskriva għalihom akkont tiegħu stess.

3.   Il-persuni jew kumpanniji jew ditti msemmija fil-punt (i) tal-Artikolu 3 jew, f’każijiet ta’ żieda f’kapital sottoskritt, il-membri tal-korp amministrattiv jew tat-tmexxija għandu jkun responsabbli li jħallas għal ishma sottoskritti mhux skond dan l-Artikolu.

Iżda, l-liġijiet ta’ Stat Membru jistgħu jiddisponu li kull persuna bħal dik tista’ tinħeles mill-obbligu tagħha jekk hija turi li ebda ħtija ma hija attribwibbli għaliha personalment.

Artikolu 21

1.   Mingħajr preġudizzju għall-prinċipju ta’ trattament l-istess ta’ l-azzjonisti kollha li jkunu fl-istess pożizzjoni, u għad-Direttiva 2003/6/KE, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li kumpannija takkwista l-ishma tagħha, hi stess jew permezz ta’ persuna li taġixxi f’isimha iżda fl-interess tal-kumpannija. Sakemm l-akkwisti huma permessi, l-Istati Membri għandhom jagħmlu dawn l-akkwisti suġġetti għall-kondizzjonjiet li ġejjin:

(a)

l-awtorizazzjoni għandha tingħata permezz tal-laqgħa ġenerali, li għandha tiddetermina t-termini u l-kondizzjonijiet ta’ tali akkwisti, u b’mod partikolari n-numru massimu ta’ ishma li għandhom ikunu akkwistati, il-perjodu li għalih l-awtorizazzjoni hi mogħtija, li t-tul massimu tiegħu għandu jkun iddeterminat mil-liġi nazzjonali u li iżda ma jistax ikun iktar minn 5 snin, u, fil-każ ta’ akkwist għall-valur, il-konsiderazzjoni massima u minima. Il-Membri tal-korp amministrattiv jew tat-tmexxija jridu jissodisfaw lilhom infushom li, fiż-żmien meta jsir kull akkwist awtorizzat, il-kondizzjonijiet imsemmija fil-punti (b) u (ċ) huma rispettati;

(b)

l-akkwisti, inklużi ishma akkwistati qabel mill-kumpannija u miżmuma minnha, u ishma akkwistati minn persuna li taġixxi f’isimha iżda fl-interess tal-kumpannija, ma jistgħux ikollhom l-effett li jnaqqsu l-attiv nett taħt l-ammont imsemmi fl-Artikolu 17(1) u (2); u

(c)

ishma mħallsa kompletament biss jistgħu jkunu inklużi fit-tranżazzjoni.

Minnbarra dan, l-Istati Membri jistgħu wkoll jagħmlu akkwisti fit-tifsira ta’ l-ewwel subparagrafu soġġetti għal xi waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

li l-valur nominali jew, fl-assenza ta’ dan, il-parità kontabbli ta’ l-ishma akkwistati, inklużi ishma akkwistati qabel mill-kumpannija u miżmuma minnha, u ishma akkwistati minn persuna li taġixxi f’isimha iżda fl-interess tal-kumpannija, ma tistax teċċedi l-limitu li għandu jkun iddeterminat mill-Istati Membri; dak il-limitu ma jistax ikun inqas minn 10 % tal-kapital sottoskritt;

(b)

li s-setgħa tal-kumpannija li takkwista l-ishma tagħha stess skond it-tifsira ta’ l-ewwel subparagrafu, in-numru massimu ta’ ishma li jistgħu jiġu akkwistati, it-tul tal-perjodu li għalih hija mogħtija s-setgħa u l-konsiderazzjoni massima jew minima, ikunu stipulati fl-istatuti jew fl-istrument ta’ l-inkorporazzjoni tal-kumpannija;

(c)

li l-kumpannija tkun konformi mar-rekwiżiti xierqa ta’ rappurtar u ta’ notifika;

(d)

li ċerti kumpanniji, skond kif iddeterminat mill-Istati Membri, jistgħu jkunu mitluba li jħassru l-ishma akkwistati, sakemm ammont ugwali għall-valur nominali ta’ l-ishma kkanċellati jkun inkluż f’riserva li ma tistax titqassam lill-azzjonisti, ħlief f’każ ta’ tnaqqis fil-kapital sottoskritt; dik ir-riserva tista’ tintuża biss biex jiġi miżjud il-kapital sottoskritt permezz tal-kapitalizzazzjoni tar-riservi; u

(e)

li l-akkwist ma jippreġudikax is-sodisfazzjoni tat-talbiet tal-kredituri.

2.   Il-liġijiet ta’ Stat Membru jistgħu jiddisponu għal derogi mill-ewwel sentenza tal-punt (a) tal-paragrafu 1 meta l-akkwist ta’ l-ishma tal-kumpannija stess huwa meħtieġ biex tiġi evitata ħsara serja u imminenti lill-kumpannija. F’dak il-każ, il-laqgħa ġenerali ta’ wara għandha tiġi infurmata mill-korp amministrattiv jew tat-tmexxija bir-raġunijiet u xorta ta’ l-akkwisti magħmula, bin-numru u valur nominali jew, fin-nuqqas ta’ valur nominali, il-parità kontabbli, ta’ l-ishma akkwistati, bil-proporzjon tal-kapital sottoksritt li huma jirrappreżentaw, u bil-konsiderazzjoni għal dawn l-ishma.

3.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċieidu li ma japplikawx l-ewwel sentenza tal-punt (a) tal-paragrafu 1 (a) għal ishma akkwistati mill-kumpannija nifisha jew minn persuna li taġixxi f’isimha stess iżda fl-interess tal-kumpannija, għal tqassim lill-impjegati ta’ dik il-kumpannija jew lill-impjegati ta’ kumpannija assoċjata. Dawk l-ishma għandhom jitqassmu fi żmien 12-il xahar mill-akkwist tagħhom.

Artikolu 22

1.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu biex ma japplikawx l-Artikolu 21 għal:

(a)

ishma akkwistati fit-twettiq ta’ deċiżjoni biex jitnaqqas il-kapital, jew fiċ-ċirkostanzi msemmiija fl-Artikolu 43;

(b)

ishma akkwistati b’ riżultat ta’ trasferiment universali ta’ attiv;

(c)

ishma mħallsa kollha akkwistati bla ħlas jew minn banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħra bħala kummissjoni għal xiri;

(d)

ishma akkwistati bis-saħħa ta’ obbligu legali jew li jirriżultaw minn deċiżjoni ta’ qorti għall-protezzjoni ta’ azzjonisti ta’ minoranza fil-każ, partikolarment, ta’ għaqda b'akkwist, bidla fil-għan jew forma tal-kumpannija, trasferiment ta’ l-uffiċċju reġistrat barra l-pajjiż, jew l-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq it-trasferiment ta’ ishma;

(e)

ishma akkwistati minn azzjonista fil-każ ta’ nuqqas li jħallas għalihom;

(f)

ishma akkwistati sabiex jindennizzaw azzjonisti ta’ minoranza f’kumpanniji assoċjati;

(g)

ishma mħallsa kollha u akkwistati minn bejgħ infurzat permezz ta' ordni tal-qorti għall-ħlas ta’ dejn dovut lill-kumpannija mis-sid ta’ l-ishma; u

(h)

ishma imħallsa kollha maħruġa minn kumpannija ta’ investiment b’kapital fiss, kif imfisser fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 17(7), u akkwistati fuq talba ta’ l-investitur minn dik il-kumpannija jew minn kumpannija assoċjata. Punt (a) ta' l-Artikolu 17 (7) għandu japplika. Dawn l-akkwisti ma jistgħux ikollhom l-effett li jnaqqsu l-attiv nett għal inqas mill-ammont tal-kapital sottoskritt biż-żieda ta’ kull riserva li t-tqassim tagħha huwa projbit mil-liġi.

2.   Ishma akkwistati fil-każijiet elenkati fil-punti (b) sa (g) tal-paragrafu 1 għandhom, madankollu, jitneħħew fi żmien mhux iżjed minn tliet snin mill-akkwist tagħhom sakemm il-valur nominali jew, fin-nuqqas ta’ valur nominali, il-parità kontabbli ta’ l-ishma akkwistati, magħdudin ishma li l-kumpannija setgħet akkwistat permezz ta’ persuna li taġixxi f’isimha stess iżda fl-interess tal-kumpannija, ma jkunux iżjed minn 10 % tal-kapital sottoskritt.

3.   Jekk l-ishma ma jitneħħewx fil-perjodu speċifikat fil-paragrafu 2, huma għandhom jiġu kkanċellati. Il-liġijiet ta’ Stat Membru jistgħu jagħmlu dak it-tħassir suġġett għal tnaqqis korrispondenti fil-kapital sottoskritt. Dan it-tnaqqis għandu jiġi preskritt meta l-akkwist ta’ ishma li għandhom jiġu kkanċellati jirriżulta fl-attiv nett li jkun niżel għal inqas mill-ammont speċifikat fl-Artikolu 17(1) u (2).

Artikolu 23

Ishma akkwistati li jmorru kontra l-Artikoli 21 u 22 għandhom jiġu wżati fi żmien sena mill-akkwist tagħhom. Jekk ma jitneħħewx f’dak il-perjodu, l-Artikolu 22(3) għandu japplika.

Artikolu 24

1.   Meta l-liġijiet ta’ Stat Membru jippermettu li kumpannija tixtri l-ishma tagħha stess, sew hija nifisha u sew permezz ta’ persuna li taġixxi f’isimha stess iżda fl-interess tal-kumpannija, huma għandhom jagħmlu ż-żamma ta’ dawk l-ishma suġġetta f’kull ħin għall-inqas għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

fost id-drittijiet marbuta ma’ l-ishma, id-dritt għall-vot marbut ma’ l-ishma tal-kumpannija stess għandu f’kull każ jiġi sospiż;

(b)

jekk l-ishma huma inklużi fost l-attiv muri fil-karta tal-bilanċ, riserva ta’ l-istess ammont, li mhuwiex disponibbli għal tqassim, għandha tiġi inkluża mal-passiv.

2.   Meta l-liġijiet ta’ Stat Membru jippermettu li kumpannija takkwista l-ishma tagħha stess, sew hija innifisha u sew permezz ta’ persuna li taġixxi f’isimha stess iżda fl-interess tal-kumpannija, huma għandhom jeħtieġu li r-rapport annwali jiddikjara għall-inqas:

(a)

ir-raġunijiet għal akkwisti magħmula matul is-sena finanzjarja;

(b)

in-numru u l-valur nominali jew, fin-nuqqas ta’ valur nominali, il-parità kontabbli ta’ l-ishma akkwistati u mneħħija matul is-sena finanzjarja u l-proporzjon tal-kapital sottoskritt li huma jirrappreżentaw;

(c)

fil-każ ta’ akkwist jew tneħħija għal xi valur, il-konsiderazzjoni għall-ishma;

(d)

in-numru u valur nominali jew, fin-nuqqas ta’ valur nominali, il-parità kontabbli ta’ l-ishma kollha akkwistati u miżmuma mill-kumpannija u l-proporzjon tal-kapital sottoskritt li huma jirrappreżentaw.

Artikolu 25

1.   Fejn l-Istati Membri jippermettu li kumpannija, b’mod dirett jew indirett, tavvanza fondi, tagħti self jew tipprovdi garanzija, bil-ħsieb li takkwista l-ishma tagħha minn parti terza, għandhom jissoġġettaw dawn it-tranżazzjonijiet għall-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 2 sa 5.

2.   It-tranżazzjonijiet għandhom isiru taħt ir-responsabbiltà tal-korp amministrattiv jew tat-tmexxija fil-kondizzjonijiet ġusti tas-suq, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-imgħax li tirċievi l-kumpannija u fir-rigward tal-garanzija pprovduta lill-kumpannija għas-self u l-avvanzi msemmija f'paragrafu 1.

L-istanding tal-kreditu tal-parti terza jew, f’każ ta’ tranżazzjonijiet ta’ iktar minn parti waħda, ta’ kull kontraparti tagħha, għandu jkun investigat kif xieraq.

3.   It-tranżazzjonijiet għandhom ikunu sottomessi mill-korp amministrattiv jew tat-tmexxija lil-laqgħa ġenerali għal approvazzjoni minn qabel, li fiha l-laqgħa ġenerali għandha taġixxi b’mod konformi mar-regoli tal-kworum u l-maġġoranza stabbilita fl-Artikolu 44.

Il-korp amministrattiv jew ta’ tmexxija jrid jippreżenta rapport bil-miktub lil-laqgħa ġenerali, li fih jindika:

(a)

ir-raġunijiet għat-tranżazzjoni,

(b)

l-interess tal-kumpannija li tidħol f’tali tranżazzjoni,

(c)

il-kondizzjonijiet li fuqhom daħlu fit-tranżazzjoni,

(d)

ir-riskji involuti fit-tranżazzjoni għal-likwidità u s-solvenza tal-kumpannija, u

(e)

il-prezz li biha l-parti terza għandha takkwista l-ishma.

Dak ir-rapport għandu jkun sottomess lir-reġistru għall-pubblikazzjoni b’mod konformi ma’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/101/KE.

4.   L-għajnuna finanzjarja aggregata mogħtija lill-partijiet terzi m’għandha fl-ebda ħin tirriżulta fi tnaqqis ta’ l-assi netti inqas mill-ammont speċifikat fl-Artikolu 17(1) u (2), u għandha tqis ukoll kull tnaqqis ta’ l-attiv nett li seta’ jkun seħħ permezz ta’ l-akkwist, mill-kumpannija jew fl-interess tal-kumpannija, ta’ l-ishma tagħha stess skond l-Artikolu 21(1).

Il-kumpannija għandha tinkludi, fost il-passivi fil-karta tal-bilanċ, riserva, li ma tkunx disponibbli għat-tqassim, ta’ l-ammont ta’ l-għajnuna finanzjarja aggregata.

5.   Fejn ishma tal-kumpannija stess skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 21(1) huma akkwistati jew fejn ishma maħruġa fil-kors ta’ żieda fil-kapital sottoskritt ikunu sottoskritti minn parti terza permezz ta’ għajnuna finanzjarja minn kumpannija, dan l-akkwist jew sottoskrizzjoni għandu jsir bi prezz ġust.

6.   Il-paragrafi 1 sa 5 ma għandhomx japplikaw għal transazzjonijiet konklużi minn banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħra fil-kors normali tan-negozju, lanqas għal transazzjonijiet effettwati bil-għan li jiġu akkwistati ishma minn jew għall-impjegati tal-kumpannija jew l-impjegati ta’ kumpannija assoċjata.

Iżda dawk it-transazzjonijiet ma jistgħux ikollhom l-effett li jnaqqsu l-attiv nett għal anqas mill-ammont speċifikat fl-Artikolu 17(1).

7.   Il-paragrafi 1 sa 5 m'għandhomx japplikaw għal transazzjonijet effettwati bil-għan li jiġu akkwistati ishma kif deskritt fil-punt (h) tal-Artikolu 22(1).

Artikolu 26

Fil-każijiet fejn membri individwali tal-korp amministrattiv jew tat-tmexxija tal-kumpannija li tkun parti mit-transazzjoni msemmija fl-Artikolu 25(1), jew membri individwali tal-korp amministrattiv jew tat-tmexxija ta’ intrapriża prinċipali skond it-tifsira ta’ l-Artikoli 1 tad-Seba' Direttiva tal-Kunsill 83/349/KEE tat-13 ta' Ġunju 1983 ibbażata fuq l-Artikolu 50(2)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet kosolidati (13) jew tat-tali intrapriża prinċipali nfisha, jew individwi li jaġixxu taħt isimhom stess, iżda fl-interess tal-membri tat-tali korpi jew it-tali intrapriża, huma kontropartijiet mit-tali transazzjoni, l-Istati Membri għandhom jassiguraw permezz ta’ salvagwardji adegwati li tali transazzjoni ma’ tmurx kontra l-aħjar interessi tal-kumpannija.

Artikolu 27

1.   L-aċċettazzjoni ta’ l-ishma tal-kumpannija stess bħala garanzija, sew mill-kumpannija nnifisha u sew permezz ta’ persuna li taġixxi f’isimha stess iżda fl-interess tal-kumpannija, għandha tiġi trattata bħala akkwist għall-iskop ta’ l-Artikolu 21, l-Artikolu 22(1), u l-Artikoli 24 u 25.

2.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu biex ma japplikawx il-paragrafu 1 għal transazzjonijiet konklużi minn banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħra fil-kors normali tan-negozju.

Artikolu 28

1.   Is-sottoskrizzjoni, l-akkwist jew iż-żamma ta’ l-ishma f’kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata minn kumpannija oħra skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/101/KE li fiha l-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata żżomm direttament jew indirettament il-maġġoranza tal-jeddijiet tal-vot jew li fuqha hija tista’ teżerċita influwenza dominanti direttament jew indirettament, għandhom jitqiesu bħala li ġew effettwati mill-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata nfisha.

L-ewwel subparagrafu għandu japplika wkoll meta l-kumpannija l-oħra tkun irregolata mil-liġi ta’ pajjiż terz u għandha forma legali li tista’ titqabbel ma’ dawk elenkati fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/101/KE.

Madankollu, meta l-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata żżomm il-maġġoranza tal-jeddijiet tal-vot indirettament jew tista’ teżerċita influwenza dominanti indirettament, l-Istati Membri ma għandhomx għalfejn japplikaw l-ewwel u t-tieni subparagrafi jekk huma jipprovdu għas-sospensjoni tal-jeddijiet tal-vot mehmuża ma’ l-ishma fil-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata miżmuma mill-kumpannija l-oħra.

2.   Fin-nuqqas tal-koordinament tal-leġislazzjoni nazzjonali fuq gruppi ta’ kumpanniji, l-Istati Membri jistgħu:

(a)

jiddefinixxu l-każijiet li fihom kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata għandha titqies bħala li tkun tista’ teżerċita influwenza dominanti fuq kumpannija oħra; jekk Stat Membru jeżerċita din l-għażla, il-liġi nazzjonali tiegħu għandha f’kull każ tipprovdi illi influwenza dominanti tista’ tiġi eżerċitata jekk kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata:

ikollha d-dritt li taħtar jew tneħħi maġġoranza tal-membri ta’ l-organu amministrattiv, ta’ l-organu tal-ġestjoni jew ta’ l-organu tas-sorveljanza, u hija fl-istess ħin azzjonista jew membru tal-kumpannija l-oħra jew

hija azzjonista jew membru tal-kumpannija l-oħra u għandha l-kontroll waħdieni ta’ maġġoranza tal-jeddijiet tal-vot ta’ l-azzjonisti jew tal-membri tagħha skond ftehim konkluż ma’ l-azzjonisti jew mal-membri l-oħra ta’ din il-kumpannija.

L-Istati Membri ma għandhomx ikunu obbligati li jagħmlu provvediment għall-ebda każ għajr dawk imsemmija fl-ewwel u t-tieni inċiżi;

(b)

jiddefinixxu l-każijiet li fihom kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata għandha titqies bħala li żżomm indirettament il-jeddijiet tal-vot jew bħala li tista’ teżerċita indirettament influwenza dominanti;

(c)

jispeċifikaw iċ-ċirkostanzi li fihom kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata għandha titqies bħala li żżomm il-jeddijiet tal-vot.

3.   L-Istati Membri ma għandhomx għalfejn japplikaw l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-paragrafu 1 meta s-sottoskrizzjoni, l-akkwist jew iż-żamma huma effettwati f’isem persuna għajr il-persuna li tissottoskrivi, takkwista jew iżżomm l-ishma, kemm jekk mhix il-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata msemmija fil-paragrafu 1 u lanqas jekk kumpannija oħra li fiha l-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata żżomm direttament jew indirettament maġġoranza tal-jeddijiet tal-vot jew li fuqha tista’ teżerċita direttament jew indirettament influwenza dominanti.

4.   L-Istati Membri ma għandhomx għalfejn japplikaw l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-paragrafu 1 meta s-sottoskrizzjoni, l-akkwist jew iż-żamma huma effettwati mill-kumpannija l-oħra fil-kapaċità tagħha u fil-kuntest ta’ l-attivitajiet tagħha bħala negozjant professjonali tat-titoli, sakemm tkun membru ta’ borża li tinsab jew li taħdem ġewwa Stat Membru, jew hija approvata jew issorveljata minn awtorità ta’ Stat Membru kompetenti sabiex tissorvelja n-negozjanti professjonali tat-titoli li, skond it-tifsira ta’ din id-Direttiva, tista’ tinkludi istituzzjonijiet ta’ kreditu.

5.   L-Istati Membri ma għandhomx għalfejn japplikaw l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-paragrafu 1 meta l-ishma f’kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata miżmuma minn kumpannija oħra jkunu ġew akkwistati qabel ir-relazzjoni bejn iż-żewġ kumpanniji tkun ikkorrispondiet mal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1.

Madankollu, il-jeddijiet tal-vot mehmuża ma’ dawn l-ishma għandhom jiġu sospiżi u l-ishma għandhom jittieħdu f’ kunsiderazzjoni meta jiġi stabbilit jekk tkunx twettqet il-kondizzjoni stabbilita fil-punt (b) ta' l-Artikolu 21(1) (b).

6.   L-Istati Membri ma għandhomx għalfejn japplikaw l-Artikolu 22(2) jew (3) jew l-Artikolu 23 meta l-ishma f’kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata jiġu akkwistati minn kumpannija oħra bil-kondizzjoni li huma jipprovdu:

(a)

is-sospensjoni tal-jeddijiet tal-vot mehmuża ma’ l-ishma fil-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata miżmuma mill-kumpannija l-oħra, u

(b)

il-membri ta’ l-organu amministrattiv jew tat-tmexxija tal-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata jkunu obbligati li jixtru lura mill-kumpannija l-oħra l-ishma msemmija fl-Artikolu 22(2) u (3) u l-Artikolu 23 għall-prezz li bih kienet akkwistathom il-kumpannija l-oħra; din is-sanzjoni għandha tapplika biss meta l-membri ta’ l-organu amministrattiv jew tat-tmexxija tal-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata juru li din il-kumpannija ma ħadet l-ebda sehem fis-sottoskrizzjoni jew l-akkwist ta’ l-ishma fil-kwistjoni.

Artikolu 29

1.   Kull żieda fil-kapital għandha tiġi deċiża mil-laqgħa ġenerali. Kemm dik id-deċiżjoni kif ukoll iż-żieda fil-kapital sottoskritt għandhom jiġu ppubblikati fil-mod speċifikat mil-liġijiet ta’ kull Stat Membru, skond l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/101/KE.

2.   Madankollu, l-istatuti jew atti ta’ inkorporazzjoni jew il-laqgħa ġenerali, li d-deċiżjoni tagħhom għandha tiġi ppubblikata skond ir-regoli msemmija fil-paragrafu 1, jistgħu jawtorizzaw żieda fil-kapital sottoskritt sa ammont massimu li huma għandhom jistabbilixxu b’konsiderazzjoni xierqa għal kull ammont massimu previst mil-liġi. Meta xieraq, iż-żieda fil-kapital sottoskritt għandha tiġi deċiża fil-limiti ta’ l-ammont stabbilit mill-korp tal-kumpannija inkarigata li tagħmel hekk. Is-setgħa ta’ dan il-korp fir-rigward ta' dan għandha tkun għal perjodu massimu ta’ ħames snin u jista’ jiġi mġedded darba jew iżjed drabi mil-laqgħa ġenerali, kull darba għal perjodu li ma jkunx iżjed minn ħames snin.

3.   Meta jkun hemm diversi klassijiet ta’ ishma, id-deċiżjoni mil-laqgħa ġenerali dwar iż-żieda fil-kapital imsemmi fil-paragrafu 1 jew l-awtorizzazzjoni biex jiżdied il-kapital imsemmi fil-paragrafu 2, għandha tkun suġġetta għal vot separat għall-inqas għal kull klassi ta’ azzjonisti li d-drittijiet tagħhom huma milquta mit-transazzjoni.

4.   Dan l-Artikolu għandu japplika għall-ħruġ tat-titoli kollha li jistgħu jinbidlu f’ishma jew li magħhom hemm id-dritt ta’ sottoskrizzjoni għal ishma, iżda mhux għal-konverżjoni ta’ dawn it-titoli, lanqas għall-eżerċizzju tad-dritt għal sottoskrizzjoni.

Artikolu 30

Ishma maħruġa għal xi konsiderazzjoni, fil-kors ta’ żieda fil-kapital sottoskritt, għandhom jitħallsu sa għall-inqas 25 % tal-valur nominali tagħhom jew, fin-nuqqas ta’ valur nominali, tal-parità kontabbli tagħhom. Meta ssir dispożizzjoni għal xi ħruġ ta’ premium, dan għandu jitħallas kollu.

Artikolu 31

1.   Meta ishma jinħarġu għal xi konsiderazzjoni għajr fi flus fil-kors ta’ żieda fil-kapital sottoskritt il-konsiderazzjoni għandha tiġi trasferita kollha f’perjodu ta’ ħames snin mid-deċiżjoni biex il-kapital sottoskritt jiżdied.

2.   Il-konsiderazzjoni imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun is-suġġett ta’ rapport imfassal qabel iż-żieda fil-kapital issir minn espert wieħed jew iktar li huma indipendenti mill-kumpannija u maħtura jew approvati minn awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja. Dawn l-esperti jistgħu jkunu persuni fiżiċi kif ukoll persuni ġuridiċi u kumpanniji u ditti skond il-liġijiet ta’ kull Stat Membru.

L-Artikolu 10(2) u (3) u l-Artikoli 11 u 12 għandhom japplikaw.

3.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx il-paragrafu 2 fil-każ ta’ żieda fil-kapital sottoskritt magħmul sabiex tagħti effett lil xi għaqda, diviżjoni jew offerta pubblika għax-xiri jew l-iskambju ta’ ishma u biex jitħallsu l-azzjonisti tal-kumpannija li qiegħda tiġi assorbita jew diviża jew li hija s-suġġett tal-offerta pubblika għax-xiri jew l-iskambju ta’ ishma.

Fil-każ ta’ għaqda jew diviżjoni, madankollu, l-Istati Membri għandhom japplikaw l-ewwel paragrafu biss fejn ikun tħejja rapport ta’ espert jew esperti indipendenti dwar l-abbozz tat-termini tal-għaqda jew tad-diviżjoni.

Fejn l-Istati Membri jiddeċiedu li japplikaw il-paragrafu 2 fil-każ ta’ għaqda jew diviżjoni, huma jistgħu jipprovdu li r-rapport taħt dan l-Artikolu u r-rapport tal- espert jew esperti indipendenti dwar l-abbozz tat-termini tal-għaqda jew tad-diviżjoni, jitħejjew mill-istess espert jew esperti.

4.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx il-paragrafu 2 jekk l-ishma kollha maħruġa fil-kors ta’ żieda fil-kapital sottoskritt jinħarġu għal xi konsiderazzjoni li ma tkunx fi flus lil kumpannija waħda jew iżjed, bil-kondizzjoni li l-azzjonisti kollha fil-kumpannija li jirċievu l-konsiderazzjoni jkunu ftiehmu li ma jkollhomx rapport ta’ l-esperti u li r-rekwiżiti tal-punti (b) sa (f) tal-Artikolu 10(4) huma mħarsa.

Artikolu 32

Meta żieda fil-kapital ma tkunx sottoskritta kollha, il-kapital għandu jiżdied bl-ammont tas-sottoskrizzjonijiet li jkunu ġew irċevuti biss jekk il-kondizzjonijiet tal-ħruġ jiddisponu hekk.

Artikolu 33

1.   Kull meta l-kapital jiżdied b’konsiderazzjoni ta’ flus, l-ishma għandhom jiġu offruti fuq bażi ta' prelazzjoni lill-azzjonisti fil-proporzjon tal-kapital rappreżentat mill-ishma tagħhom.

2.   Il-liġijiet ta’ Stat Membru:

(a)

m’għandhomx bżonn japplikaw il-paragrafu 1 għal ishma li magħhom hemm id-dritt limitat biex jipparteċipaw fi tqassim fis-sens ta’ l-Artikolu 17 u/jew fl-attiv tal-kumpannija fil-każ ta’ stralċ; jew

(b)

jistgħu jippermettu, meta l-kapital sottoskritt ta’ kumpannija li għandha diversi klassijiet ta’ ishma li jkollhom jeddijiet differenti dwar votazzjoni, jew parteċipazzjoni fit-tqassim fis-sens ta’ l-Artikolu 17 jew f’attiv fil-każ ta’stralċ, jiżdied bil-ħruġ ta’ ishma ġodda f’waħda biss minn dawk il-klassijiet, waqt li l-jedd ta' prelazzjoni ta’ l-azzjonisti tal-klassijiet l-oħra għandu jkun eżerċitat biss wara li l-azzjonisti tal-klassi li fiha jkunu qed jinħarġu l-ishma l-ġodda jkunu eżerċitaw dak il-jedd.

3.   Kull offerta ta’ sottoskrizzjoni fuq bażi ta' prelazzjoni u l-perjodu li fih dak id-dritt għandu jkun eżerċitat għandhom jiġu ppubblikati fil-gazzetta nazzjonali nominata skond id-Direttiva 2009/101/KE. Iżda, il-liġijiet ta’ Stat Membru ma għandhomx bżonn jiddisponu għal dik il-pubblikazzjoni meta l-ishma kollha ta’ kumpannija huma rreġistrati. F’dak il-każ, l-azzjonisti kollha tal-kumpannija għandhom ikunu infurmati bil-miktub. Il-jedd ta' prelazzjoni għandu jkun eżerċitat f’perjodu li ma għandux ikun inqas minn 14-il ġurnata mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ l-offerta jew mid-data minn meta jintbagħtu l-ittri lill-azzjonisti.

4.   Il-jedd ta' prelazzjoni ma jistax ikun ristrett jew irtirat mill-istatuti jew atti ta’ inkorporazzjoni. Dan jista’, madankollu, jsir b’deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali. Il-korp amministrattiv jew tat-tmexxija għandu jkun meħtieġ li jippreżenta lil dik il-laqgħa rapport bil-miktub li juri r-raġunijiet għar-restrizzjoni jew irtirar tal-jedd ta' prelazzjoni, u li jiġġustifka l-prezz tal-ħruġ propost. Il-laqgħa ġenerali għandha taġixxi skond ir-regoli dwar quorum u maġġoranza speċifikati fl-Artikolu 44. Id-deċiżjoni tagħha għandha tiġi ppubblikata bil-mod preskritt fil-liġijiet ta’ kull Stat Membru, skond l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/101/KE.

5.   Il-liġijiet ta’ Stat Membru jistgħu jiddisponu li l-istatuti, l-atti ta’ inkorporazjoni jew il-laqgħa ġenerali, li jaġixxu skond ir-regoli dwar quorum, maġġoranza u pubblikazzjoni preskritti fil-paragrafu 4, jistgħu jagħtu s-setgħa ta’ restrizzjoni jew irtirar tal-jedd ta' prelazzjoni lill-korp tal-kumpannija li għandu s-setgħa li jiddeċiedi dwar żieda fil-kapital sottoskritt fil-limiti tal-kapital awtorizzat. Dik is-setgħa ma tistax tingħata għal perjodu itwal mis-setgħa li għaliha hemm dispożizzjoni fl-Artikolu 29(2).

6.   Il-paragrafi 1 sa 5 għandhom japplikaw għall-ħruġ tat-titoli kollha li jistgħu jinbidlu f’ishma jew li jkollhom il-jedd ta’ sottoskrizzjoni għal ishma, iżda mhux għall-konverżjoni ta’ dawn it-titoli, lanqas għall-eżerċizzju tal-jedd ta’ sottoskrizzjoni.

7.   Il-jedd ta' prelazzjoni mhuwiex eskluż mill-iskop tal-paragrafi 4 u 5 meta, skond id-deċiżjoni biex jiżdied il-kapital sottoskritt, jinħarġu ishma lil banek jew istituzzjonijiet finanzjarji oħra bl-iskop li dawn jiġu offruti lil azzjonisti tal-kumpannija skond il-paragrafi 1 u 3.

Artikolu 34

Kull tnaqqis fil-kapital sottoskritt, ħlief skond ordni tal-qorti, għandu jkun suġġett għall-inqas għal deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali li taġixxi skond ir-regoli dwar quorum u maġġoranza speċifikati fl-Artikolu 44 bla ħsara għall-Artikoli 40 u 41. Dik id-deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata bil-mod speċifikat mil-liġijiet ta’ kull Stat Membru skond l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/101/KE.

L-avviż li jsejjaħ il-laqgħa għandu jispeċifika għall-inqas l-iskop għat-tnaqqis u l-mod li bih għandu jitwettaq.

Artikolu 35

Meta hemm diversi klassijiet ta’ ishma, id-deċiżjoni mil-laqgħa ġenerali dwar tnaqqis fil-kapital sottoskritt għandha tkun suġġetta għal vot separat, għall-inqas għal kull klassi ta’ azzjonisti li l-jeddijiet tagħhom jintlaqtu mit-transazzjoni.

Artikolu 36

1.   Fil-każ ta’ tnaqqis fil-kapital sottoskritt, għall-inqas il-kredituri li t-talbiet tagħhom kienu saru qabel il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni biex issir tnaqqis għandhom mill-inqas ikollhom id-dritt li jakkwistaw garanzija għat-talbiet li ma jkunux dovuti sad-data tal-pubblikazzjoni. L-Istati Membri jistgħu ma jwarbux tali dritt sakemm il-kreditur ikollu salwagwardji adegwati, jew sakemm tali salvagwardji ma jkunux neċessarji meta jitqies l-attiv tal-kumpannija.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kondizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt imsemmi taħt l-ewwel subparagrafu. Fi kwalunkwe każ, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-kredituri huma awtorizzati li japplikaw lill-awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja kompetenti għal salvagwardji adegwati sabiex huma jistgħu juru b’mod kredibli li minħabba t-tnaqqis fil-kapital sottoskritt is-sodisfazzjon tat-talbiet tagħhom huwa pperikolat u li l-kumpannija ma tagħhomx salvagwardji adegwati.

2.   Il-liġijiet ta’ l-Istati Membri għandhom jistipulaw ukoll għall-anqas li t-tnaqqis għandu jkun null, jew li ma jista’ jsir ebda ħlas għall-benefiċċju ta’ l-azzjonisti, sakemm il-kredituri jkunu kisbu sodisfazzjon jew xi qorti ddeċidiet li l-applikazzjoni tagħhom ma għandhiex tiġi milqugħha.

3.   Dan l-Artikolu għandu japplika meta t-tnaqqis fil-kapital sottoskritt iseħħ bir-rinunzja totali jew parzjali tal-ħlas tal-bilanċ tal-kontribuzzjonijiet ta’ l-azzjonisti.

Artikolu 37

1.   L-Istati Membri ma għandhomx bżonn japplikaw l-Artikolu 36 għal tnaqqis fil-kapital sottoskritt li l-iskop tiegħu huwa li jibbilanċja telf imġarrab jew li jinkludi somom ta’ flus f’riserva iżda li, wara dik l-operazzjoni, l-ammont ta’ dik ir-riserva ma jkunx iżjed minn 10 % tal-kapital sottoskritt imnaqqas. Ħlief fil-każ ta’ tnaqqis fil-kapital sottoskritt, dik ir-riserva ma tistax titqassam lill-azzjonisti; hija tista’ tintuża biss biex tibbilanċja telf imġarrab jew biex iżżid il-kapital sottoskritt bil-kapitalizzazzjoni ta’ dik ir-riserva, safejn l-Istati Membri jippermettu dik l-operazzjoni.

2.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1 il-liġijiet ta’ l-Istati Membri għandhom għall-inqas jiddisponu għall-miżuri meħtieġa biex jassiguraw li l-ammonti li ġejjin mit-tnaqqis tal-kapital sottoskritt ma jistgħux jintużaw biex isiru ħlasijiet jew tqassim lil azzjonisti jew biex jeħilsu azzjonisti mill-obbligu li jagħmlu l-kontribuzzjonijet tagħhom.

Artikolu 38

Il-kapital sottoskritt ma jistax jitnaqqas għal ammont inqas mill-kapital minimu speċifikat skond l-Artikolu 6.

Iżda, l-Istati Membri jistgħu jippermettu dak it-tnaqqis jekk huma jiddisponu wkoll li d-deċiżjoni li jitnaqqas il-kapital sottoskritt jista’ jkollha effett biss meta l-kapital sottoskritt jiżdied ma’ ammont għall-inqas daqs il-minimu preskritt.

Artikolu 39

Meta l-liġijiet ta’ Stat Membru jawtorizzaw fidwa totali jew parzjali tal-kapital sottoskritt mingħajr tnaqqis ta’ dan ta’ l-aħħar, huma għandhom għall-inqas jeħtieġu li jiġu mħarsa l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

meta l-istatuti jew dokument ta’ inkorporazzjoni jipprovdu għal fidwa, din ta’ l-aħħar għandha tiġi deċiża mil-laqgħa ġenerali li tivvota għall-inqas taħt il-kondizzjonijiet normali dwar quorum u maġġoranza; meta l-istatuti jew atti ta’ inkorporazzjoni ma jiddisponux għal fidwa, din ta’ l-aħħar għandha tiġi deċiża mil-laqgħa ġenerali li taġixxi għall-inqas taħt il-kondizzjonijiet ta’ quorum u maġġoranza speċifikati fl-Artikolu 44; id-deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata bil-mod preskritt mil-liġijiet ta’ kull Stat Membru, skond l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/101/KE;

(b)

somom biss li huma disponibbli għal tqassim fis-sens ta’ l-Artikolu 17(1) sa (4) jistgħu jintużaw għal skopijiet ta’ fidwa;

(c)

azzjonisti li l-ishma tagħhom jinfdew għandhom iżommu l-jeddijiet tagħhom fil-kumpannija, bl-eċċezzjoni tal-jeddijiet tagħhom għal ħlas lura ta’ l-investiment tagħhom u parteċipazzjoni fit-tqassim ta’ dividend tal-bidu fuq ishma mhux mifdija.

Artikolu 40

1.   Meta l-liġijiet ta’ Stat Membru jistgħu jippermettu li kumpanniji jnaqqsu l-kapital sottoskritt tagħhom b’irtirar obbligatorju ta’ ishma, huma għandhom jeħtieġu li għall-inqas jiġu mħarsa l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-irtirar obbligatorju għandu jiġi preskritt jew awtorizzat mill-istatuti jew l-atti ta’ inkorporazzjoni qabel l-ishma li għandhom jiġu irtirati jkunu sottoskritti;

(b)

meta l-irtirar obbligatorju huwa sempliċiment awtorizzat mill-istatuti jew l-atti ta’ inkorporazzjoni, dan għandu jiġi deċiż mil-laqgħa ġenerali sakemm ma jkunx gie approvat b’mod unanimu mill-azzjonisti kkonċernati;

(c)

il-korp tal-kumpannija li jiddeċiedi fuq l-irtirar obbligatorju għandu jistabbilixxi l-kondizzjonijiet u l-mod tagħhom meta huma ma ġewx diġà stabbiliti mill-istatuti jew l-atti ta’ inkorporazzjoni;

(d)

L-Artikolu 36 għandu japplika ħlief fil-każ ta’ ishma mħallsa kollha li jkunu disponibbli għall-kumpannija mingħajr ħlas jew huma rtirati bl-użu ta’ somom disponibbli għal tqassim skond l-Artikolu 17(1) sa (4); f’dawk il-każijiet, ammont daqs il-valur nominali jew, fin-nuqqas tiegħu, għall-parità kontabbli ta’ l-ishma kollha rtirati għandu jkun magħdud f’riserva; ħlief fil-każ ta’ tnaqqis fil-kapital sottoskritt dik ir-riserva ma tistax titqassam lill-azzjonisti; hija tista’ tintuża biss biex tibbilanċja telf imġarrab jew biex iżżid il-kapital sottoskritt bil-kapitalizzazzjoni ta’ din ir-riserva, safejn l-Istati Membri jippermettu din l-operazzjoni; u

(e)

id-deċiżjoni dwar l-irtirar obbligatorju għandha tiġi ppubblikata bil-mod speċifikat mil-liġijiet ta’ kull Stat Membru skond l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/101/KE.

2.   L-Artikolu 34(1) u l-Artikoli 35, 37 u 44 ma għandhomx japplikaw għal każijiet li għalihom jirreferi l-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 41

1.   Fil-każ ta’ tnaqqis fil-kapital sottoskritt bl-irtirar ta’ ishma akkwistati mill-kumpannija nnifisha jew minn persuna li taġixxi f’isimha stess iżda fl-interess tal-kumpannija, l-irtirar għandu jkun dejjem deċiż mil-laqgħa ġenerali.

2.   L-Artikolu 36 għandu japplika sakemm l-ishma ma jkunux mħallsa kollha u akkwistati bla ħlas jew bl-użu ta’ somom disponibbli għal tqassim skond l-Artikolu 17(1) sa (4); f’dawk il-każijiet ammont daqs il-valur nominali jew, fin-nuqqas tiegħu, għall-parità kontabbli ta’ l-ishma kollha rtirati għandu jkun inkluż f’riserva. Ħlief fil-każ ta’ tnaqqis mil-kapital sottoskritt, dik ir-riserva ma tistax titqassam lill-azzjonisti. Hija tista’ tintuża biss biex tibbilanċja telf imġarrab jew biex iżżid il-kapital sottoskritt bil-kapitalizzazzjoni ta’ dik ir-riserva, safejn l-Istati Membri jippermettu dik l-operazzjoni;

3.   L-Artikoli 35, 37 u 44 ma għandhomx japplikaw għall-każijiet li għalihom jirreferi l-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 42

Fil-każijiet koperti bl-Artikolu 39, il-punt (b) tal-Artikolu 40(1) u l-Artikolu 41(1), meta hemm diversi klassijiet ta’ ishma, id-deċiżjoni mil-laqgħa ġenerali dwar fidwa tal-kapital sottoskritt jew it-tnaqqis tiegħu bl-irtirar ta’ ishma għandha tkun suġġetta għal vot separat, għall-inqas għal kull kategorija ta’ azzjonisti li d-drittijiet tagħhom jintlaqtu mit-transazzjoni.

Artikolu 43

Meta l-liġijiet ta’ Stat Membru jawtorizzaw lil kumpanniji biex joħorġu ishma li jkunu jistgħu jinfdew, huma għandhom jeħtieġu li l-kondizzjonijiet li ġejjin, għall-inqas, huma mħarsa għall-fidwa ta’ dawk l-ishma:

(a)

il-fidwa għandha tiġi awtorizzata mill-istatuti tal-kumpannija jew mill-att ta’ inkorporazzjoni qabel l-ishma li jkunu jistgħu jinfdew huma sottoskritti;

(b)

l-ishma għandhom jitħallsu kollha;

(c)

il-kondizzjonjiet u l-mod tal-fidwa għandhom jiġu speċifikati fl-istatuti jew fl-atti ta’ inkorporazzjoni tal-kumpannija;

(d)

il-fidwa tista’ tiġi effettwata biss bl-użu ta’ somom li huma disponibbli għal tqassim skond l-Artikolu 17(1) sa (4) jew bid-dħul minn ħruġ ġdid li jsir bil-ħsieb li jwettaq dik il-fidwa;

(e)

ammont daqs il-valur nominali jew, fin-nuqqas tiegħu, daqs il-parità kontabbli ta’ l-ishma mifdija kollha għandu jiġi inkluż f’riserva li ma tistax tiġi mqassma lill-azzjonisti, ħlief fil-każ ta’ tnaqqis mill-kapital sottoskritt; hija tista’ tintuża biss għall-iskop biex iżżid il-kapital sottoskritt bil-kapitalizzazzjoni ta’ riservi;

(f)

il-punt (e) ma għandux japplika għal fidwa permezz ta’ l-użu mid-dħul ta’ ħruġ ġdid li jsir bil-ħsieb li jaffettwa dik il-fidwa;

(g)

meta ssir dispożizzjoni għall-ħlas ta’ premium lill-azzjonisti minħabba fidwa, il-premium jista’ jitħallas biss minn somom disponibbli għal tqassim skond l–Artikolu 17(1) sa (4), jew minn riserva għajr dik imsemmija f’punt (e) ta' dan l-Artikolu li ma tistax tiġi mqassma lill-azzjonisti ħlief fil-każ ta’ tnaqqis mill-kapital sottoskritt; dik ir-riserva tista’ tintuża biss sabiex iżżid il-kapital sottoskritt bil-kapitalizzazzjoni ta’ riservi jew biex tkopri l-ispejjeż imsemmija fil-punt (j) tal-Artikolu 3 jew l-ispiża biex jinħarġu ishma jew ishma ta’ obbligazzjoni jew għall-ħlas ta’ premium lid-detenturi ta’ ishma li jkunu jistgħu jinfdew jew ta’ ishma ta’ obbligazzjoni;

(h)

l-avviż tal-fidwa għandu jiġi ppubblikat bil-mod speċifikat mil-liġijiet ta’ kull Stat Membru skond l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/101/KE.

Artikolu 44

Il-liġijiet ta’ l-Istati Membri għandhom jiddisponu li d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 33(4) u (5) u fl-Artikoli 34, 35, 39 u 42 għandhom jittieħdu għall-inqas b’maġġoranza ta’ mhux inqas minn żewġ terzi tal-voti marbuta mat-titoli jew mal-kapital sottoskritt rappreżentat.

Il-liġijiet ta’ l-Istati Membri jistgħu, iżda, jispeċifikaw li maġġoranza sempliċi tal-voti speċifikata fl-ewwel paragrafu hija biżżejjed meta għall-inqas nofs il-kapital sottoskritt huwa rappreżentat.

Artikolu 45

1.   L-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9, l-ewwel sentenza tal-punt (a) ta’ l-Artikolu 21(1) u mill-Artikoli 29, 30 u 33 sakemm dawn id-derogi huma neċessarji għall-adozzjoni jew l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imfassla biex iħeġġu l-parteċipazzjoni ta’ l-impjegati, jew ta’ gruppi oħrajn ta’ persuni definiti mil-liġi nazzjonali, fil-kapital ta’ l-impriżi.

2.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx l-ewwel sentenza tal-punt (a) tal-Artikolu 21(1), u l-Artikoli 34, 35, 40, 41, 42 u 43 għal kumpanniji inkorporati taħt liġi speċjali li joħorġu kemm ishma ta’ kapital u kemm ishma ta’ ħaddiema, meta dawn ta’ l-aħħar jinħarġu lill-impjegati tal-kumpannija bħala korp, li huma rappreżentati f’laqgħat ġenerali tal-azzjonisti minn delegati li għandhom il-jedd li jivvutaw.

Artikolu 46

Għall-għanijiet ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, il-liġijiet ta’ l-Istati Membri għandhom jassiguraw trattament indaqs ta’ l-azzjonisti kollha li huma fl-istess pożizzjoni.

Artikolu 47

1.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx il-punti (g), (i), (j) u (k) tal-Artikolu 3 għal kumpanniji li jeżistu diġà fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-liġijiet, ir-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi li ġew adottati sabiex ikunu konformi mad-Direttiva 77/91/KEE.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 48

Id-Direttiva 77/91/KEE, kif emendata mill-Atti elenkati fl-Anness II, Parti A, hi mħassra, bla ħsara għall-obbligi ta’ l-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni tad-Direttivi mniżżla fl-Anness II, Parti B.

Referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skond it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness III.

Artikolu 49

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Gurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 50

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, il-25 ta’ Ottubru 2012.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

A. D. MAVROYIANNIS


(1)  ĠU C 132, 3.5.2011, p. 113.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Novembru 2011 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tal-10 ta' Ottubru 2012,

(3)  ĠU L 26, 31.1.1977, p. 1. Nota editorjali: It-titolu tad-Direttiva 77/91/KEE ġie aġġustat sabiex jittieħed kont tar-rinumerazzjoni tal-artikoli tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, skont l-Artikolu 5 tat-Trattat ta' Lisbona; ir-referenza oriġinali kienet għat-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tat-Trattat.

(4)  Ara l-Anness II, Parti A.

(5)  ĠU L 65, 14.3.1968, p. 8.

(6)  ĠU L 258, 1.10.2009, p. 11. Nota editorjali: It-titolu tad-Direttiva 2009/101/KE ġie aġġustat sabiex jittieħed kont tar-rinumerazzjoni tal-artikoli tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, skont l-Artikolu 5 tat-Trattat ta' Lisbona; ir-referenza oriġinali kienet għat-tieni paragrafu tal-Artikolu 48 tat-Trattat.

(7)  ĠU L 96, 12.4.2003, p. 16.

(8)  ĠU L 336, 23.12.2003, p. 33.

(9)  ĠU L 162, 30.4.2004, p. 70.

(10)  [2008] ECR I-03189.

(11)  ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1.

(12)  ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87.

(13)  ĠU L 193, 18.7.1983, p. 1. Nota editorjali: It-titolu tad-Direttiva 83/349/KEE ġie aġġustat sabiex jittieħed kont tar-rinumerazzjoni tal-artikoli tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, skont l-Artikolu 5 tat-Trattat ta' Lisbona; ir-referenza oriġinali kienet għall-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat.


ANNESS I

TIPI TA' KUMPANNIJI MSEMMIJA FL-EWWEL SUBPARAGRAFU TA' L-ARTIKOLU 1(1)

fil-Belġju:

société anonyme/naamloze vennootschap;

fil-Bulgarija:

акционерно дружество;

fir-Repubblika Ċeka:

akciová společnost;

fid-Danimarka:

aktieselskab;

fil-Ġermanja:

Aktiengesellschaft;

fl-Estonja:

aktsiaselts;

fl-Irlanda:

public company limited by shares,

public company limited by guarantee and having a share capital;

fil-Greċja:

ανώνυμη εταιρία;

fi Spanja:

sociedad anonima;

fi Franza:

société anonyme;

fl-Italja:

società per azioni;

fiċ-Ċipru:

ημόσιεςε ταιρείεςπεριορισμένης ευθύνηςμε μετοχές, δημόσιες εταιρείες περιορισμένηςε υθύνης με εγγύηση που διαθέτουν μετοχικό κεφάλαιο;

fil-Latvja:

akciju sabiedrība;

fil-Litwanja:

akcinė bendrovė;

fil-Lussemburgu:

société anonyme;

fl-Ungerija:

nyilvánosan működő részvénytársaság;

f’Malta:

kumpannija pubblika/public limited liability company;

fl-Olanda:

naamloze vennootschap;

fl-Awstrija:

Aktiengesellschaft;

fil-Polonja:

spółka akcyjna;

fil-Portugall:

sociedade anonima;

fir-Rumanija:

societate pe acțiuni;

fis-Slovenja:

delniška družba;

fis-Slovakkja:

akciová spoločnosť;

fil-Finlandja:

julkinen osakeyhtiö/publikt aktiebolag

fl-Isvezja:

aktiebolag;

fir-Renju Unit:

public company limited by shares,

public company limited by guarantee and having a share capital.


ANNESS II

PARTI A

Direttiva mħassra mal-emendi suċċessivi tagħha

(imsemmija fl-Artikolu 48)

Direttiva tal-Kunsill 77/91/KEE

(ĠU L 26, 31.1.1977, p. 1)

 

Anness I, Punt III (Ċ) ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni ta' l-1979

(ĠU L 291, 19.11.1979, p. 89)

 

Anness I ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni ta' l-1985

(ĠU L 302, 15.11.1985, p. 157)

 

Direttiva tal-Kunsill 92/101/KEE

(ĠU L 347, 28.11.1992, p. 64)

 

Anness I, Punt XI (A) ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni ta' l-1994

(ĠU Ċ 241, 29.8.1994, p. 194)

 

Anness II, Punt 4 (A) ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni ta' l-2003

(ĠU L 236, 23.9.2003, p. 338)

 

Direttiva 2006/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 264, 25.9.2006, p. 32)

 

Direttiva tal-Kunsill 2006/99/KE

(ĠU L 363, 20.12.2006, p. 137)

Punt A(2) ta’ l-Anness biss

Direttiva 2009/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 259, 2.10.2009, p. 14)

Artikolu 1 biss

PARTI B

Lista tal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni

(imsemmija fl-Artikolu 48)

Direttiva

Limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni

Data ta’ applikazzjoni

77/91/KEE

17 ta’ Diċembru 1978

92/101/KEE

31 ta’ Diċembru 1993

1 ta’ Jannar 1995

2006/68/KE

15 ta’ April 2008

2006/99/KE

1 ta’ Jannar 2007

2009/109/KE

30 ta’ Ġunju 2011


ANNESS III

TABELLA TA' KORELLAZZJONI

Direttiva 77/91/KEE

Din id-Direttiva

Artikoli 1(1), l-ewwel subparagrafu, kliem tal-bidu

Artikoli 1(1) l-ewwel subparagrafu

Artikolu 1(1), l-ewwel subparagrafu, l-ewwel sas-seba' u għoxrin inċiż

Anness I

Artikolu 1(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 1(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 1(2)

Artikolu 1(2)

Artikolu 2, kliem tal-bidu

Artikolu 2, kliem tal-bidu

Artikolu 2, punt (a)

Artikolu 2, punt (a)

Artikolu 2, punt (b)

Artikolu 2, punt (b)

Artikolu 2, punt (ċ), l-ewwel inċiż

Artikolu 2, punt (ċ)

Artikolu 2, punt (ċ), it-tieni inċiż

Artikolu 2, punt (d)

Artikolu 2, punt (d)

Artikolu 2, punt (e)

Artikolu 2, punt (e)

Artikolu 2, punt (f)

Artikoli 3 sa 5

Artikoli 3 sa 5

Artikolu 6(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 6 (1)

Artikolu 6(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 6(2)

Artikolu 6(3)

Artikolu 6(2)

Artikoli 7

Artikoli 7

Artikolu 8(1)

Artikolu 8, l-ewwel paragrafu

Artikolu 8(2)

Artikolu 8, it-tieni paragrafu

Artikolu 9(1)

Artikolu 9, l-ewwel paragrafu

Artikolu 9(2)

Artikolu 9, it-tieni paragrafu

Artikolu 10

Artikolu 10

Artikolu 10a(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 11(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 10a(1), it-tieni subparagrafu, l-ewwel sentenza

Artikolu 11(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 10a(1), it-tieni subparagrafu, it-tieni sentenza

Artikolu 11(1), it-tielet subparagrafu

Artikolu 10a(2), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 11(2), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 10a(2), it-tieni subparagrafu, l-ewwel sentenza

Artikolu 11(2), it-tieni subparagrafu

Artikolu 10a(2), it-tieni subparagrafu, it-tieni sentenza

Artikolu 11(2), it-tielet subparagrafu

Artikolu 10a(2), it-tielet subparagrafu, l-ewwel sentenza

Artikolu 11(2), ir-raba' subparagrafu

Artikolu 10a(2), it-tielet subparagrafu, it-tieni sentenza

Artikolu 11(2), il-ħames subparagrafu

Artikolu 10a(2), ir-raba' subparagrafu

Artikolu 11(2), il-ħames subparagrafu

Artikolu 10a(3)

Artikolu 11(3)

Artikolu 10b

Artikolu 12

Artikolu 11(1), l-ewwel subparagrafu, l-ewwel sentenza

Artikolu 13(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 11(1), l-ewwel subparagrafu, it-tieni sentenza

Artikolu 13(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 11(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 13(1), it-tielet subparagrafu

Artikolu 11(2)

Artikolu 13(2)

Artikolu 12

Artikolu 14

Artikolu 13

Artikolu 15

Artikolu 14

Artikolu 16

Artikolu 15(1), punt (a)

Artikolu 17(1)

Artikolu 15(1), punt (b)

Artikolu 17(2)

Artikolu 15(1), punt (ċ)

Artikolu 17(3)

Artikolu 15(1), punt (d)

Artikolu 17(4)

Artikolu 15(2)

Artikolu 17(5)

Artikolu 15(3)

Artikolu 17(6)

Artikolu 15(4), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 17(7), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 15(4), it-tieni subparagrafu

Artikolu 17(7), it-tieni subparagrafu, punt (a)

Artikolu 15(4), it-tieni subparagrafu, it-tieni inċiż

Artikolu 17(7), it-tieni subparagrafu, punt (b)

Artikolu 15(4), it-tielet subparagrafu

Artikolu 17(7), it-tielet subparagrafu

Artikolu 16

Artikolu 18

Artikolu 17

Artikolu 19

Artikolu 18

Artikolu 20

Artikolu 19(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 21(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 19(1), it-tieni subparagrafu, punti (i) sa (v)

Artikolu 21(1), it-tieni subparagrafu, punti (a) sa (e)

Artikolu 19(2) u (3)

Artikolu 21(2) u (3)

Artikolu 20

Artikolu 22

Artikolu 21

Artikolu 23

Artikolu 22

Artikolu 24

Artikolu 23(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 25(1)

Artikolu 23(1), it-tieni subparagrafu, l-ewwel sentenza

Artikolu 25(2), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 23(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 25(2), it-tieni subparagrafu

Artikolu 23(1), it-tielet subparagrafu, l-ewwel sentenza

Artikolu 25(3), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 23(1), it-tielet subparagrafu, l-ewwel parti tat-tieni sentenza

Artikolu 25(3), it-tieni subparagrafu, kliem tal-bidu

Artikolu 23(1), it-tielet subparagrafu, it-tieni parti tat-tieni sentenza

Artikolu 23(1), it-tielet subparagrafu, punti (a) sa (e)

Artikolu 23(1), it-tielet subparagrafu, it-tielet sentenza

Artikolu 25(3), it-tielet subparagrafu

Artikolu 23(1), ir-raba' subparagrafu, l-ewwel sentenza

Artikolu 25(4), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 23(1), ir-raba' subparagrafu, it-tieni sentenza

Artikolu 25(4), it-tieni subparagrafu

Artikolu 23(1), il-ħames subparagrafu

Artikolu 25(5)

Artikolu 23(2), l-ewwel sentenza

Artikolu 25(6), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 23(2), it-tieni sentenza

Artikolu 25(6), it-tieni subparagrafu

Artikolu 23(3)

Artikolu 25(7)

Artikolu 23a

Artikolu 26

Artikolu 24

Artikolu 27

Artikolu 24a(1), punt (a)

Artikolu 28(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 24a(1), punt (b)

Artikolu 28(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 24a(2)

Artikolu 28(1), it-tielet subparagrafu

Artikolu 24a(3)

Artikolu 28(2)

Artikolu 24a(4), punt (a)

Artikolu 28(3)

Artikolu 24a(4), punt (b)

Artikolu 28(4)

Artikolu 24a(5)

Artikolu 28(5)

Artikolu 24a(6)

Artikolu 28(6)

Artikolu 25

Artikolu 29

Artikolu 26

Artikolu 30

Artikolu 27

Artikolu 31

Artikolu 28

Artikolu 32

Artikolu 29

Artikolu 33

Artikolu 30

Artikolu 34

Artikolu 31

Artikolu 35

Artikolu 32

Artikolu 36

Artikolu 33

Artikolu 37

Artikolu 34, l-ewwel sentenza

Artikolu 38, l-ewwel paragrafu

Artikolu 34, it-tieni sentenza

Artikolu 38, it-tieni paragrafu

Artikolu 35

Artikolu 39

Artikolu 36

Artikolu 40

Artikolu 37

Artikolu 41

Artikolu 38

Artikolu 42

Artikolu 39

Artikolu 43

Artikolu 40(1)

Artikolu 44, l-ewwel paragrafu

Artikolu 40(2)

Artikolu 44, it-tieni paragrafu

Artikolu 41

Artikolu 45

Artikolu 42

Artikolu 46

Artikolu 43(1)

Artikolu 43(2), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 47(1)

Artikolu 43(2), it-tieni u t-tielet subparagrafu

Artikolu 43(3)

Artikolu 47(2)

Artikolu 48

Artikolu 49

Artikolu 44

Artikolu 50

Anness I

Anness II

Anness III