ISSN 1977-074X

doi:10.3000/1977074X.L_2012.086.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 86

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 55
24 ta' Marzu 2012


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament (UE) Nru 236/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 dwar bejgħ bin-nieqes u ċerti aspetti tas-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu ( 1 )

1

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika għar-Regolament (KE) Nru 596/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 li jadatta ċerti atti suġġetti għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, b'rabta mal-proċedura regolatorja bi skrutinju — Adattament għall-proċedura regolatorja bi skrutinju — Ir-Raba' Parti ( ĠU L 188, 18.7.2009 )

25

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

REGOLAMENTI

24.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 86/1


REGOLAMENT (UE) Nru 236/2012 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta’ Marzu 2012

dwar bejgħ bin-nieqes u ċerti aspetti tas-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Fl-eqqel tal-kriżi finanzjarja f’Settembru 2008, l-awtoritajiet kompetenti f’diversi Stati Membri u l-awtoritajiet superviżorji f’pajjiżi terzi bħall-Istati Uniti tal-Amerika u l-Ġappun adottaw miżuri ta’ emerġenza sabiex jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-bejgħ bin-nieqes fit-titoli kollha jew uħud minnhom. Aġixxew minħabba tħassib li fi żmien ta’ instabbiltà finanzjarja konsiderevoli, il-bejgħ bin-nieqes seta’ jaggrava l-inżul dejjem ’l isfel fil-prezzijiet tal-ishma, b’mod partikolari f’istituzzjonijiet finanzjarji, b’mod li finalment setgħet tiġi mhedda l-vijabilità tagħhom u toħloq risjki sistemiċi. Il-miżuri adottati minn Stati Membri kienu diverġenti minħabba li l-Unjoni ma għandhiex qafas regolatorju komuni speċifiku sabiex tittratta kwistjonijiet ta’ bejgħ bin-nieqes.

(2)

Biex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tas-suq intern u jittejbu l-kundizzjonijiet tal-funzjonament tiegħu, partikolarment rigward is-swieq finanzjarji, u biex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumaturi u l-investituri, huwa għalhekk xieraq li jiġi stabilit qafas regolatorju komuni fir-rigward tar-rekwiżiti u setgħat dwar il-bejgħ bin-nieqes u s-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu u jiġu żgurati aktar koordinazzjoni u konsistenza bejn l-Istati Membri fejn jeħtieġ li jittieħdu miżuri f’ċirkostanzi eċċezzjonali. Huwa meħtieġ li jiġu armonizzati r-regoli għall-bejgħ bin-nieqes u ċerti aspetti tas-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu biex jiġi pprevenut il-ħolqien ta’ ostakli għall-funzjonament kif imiss tas-suq intern, għax inkella huwa probabbli li l-Istati Membri jibqgħu jieħdu miżuri diverġenti.

(3)

Huwa xieraq u meħtieġ li dawk ir-regoli jieħdu l-forma leġislattiva ta’ Regolament sabiex jiġi żgurat li dispożizzjonijiet li jimponu direttament obbligi fuq partijiet privati sabiex jinnotifikaw u jiddivulgaw pożizzjonijiet bin-nieqes netti li għandhom x’jaqsmu ma’ ċerti strumenti u dwar bejgħ bin-nieqes skopert jiġu applikati b’mod uniformi fl-Unjoni kollha. Regolament huwa wkoll meħtieġ biex jikkonferixxi setgħat lill-Awtorita’ Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (AETS) stabbiltà bir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) biex tikkoordina miżuri meħuda mill-awtoritajiet kompetenti jew biex tieħu miżuri hi stess.

(4)

Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandu jkun wiesa’ kemm jista’ jkun possibbli biex jipprovdi qafas regolatorju preventiv biex jintuża f’ċirkostanzi eċċezzjonali. Dak il-qafas għandu jkopri l-istrumenti finanzjarji kollha imma jipprovdi rispons proporzjonat għar-riskji li l-bejgħ bin-nieqes ta’ strumenti differenti jista’ jirrappreżenta. Għalhekk, huwa biss fil-każ ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali li l-awtoritajiet kompetenti u l-AETS għandhom ikunu intitolati li jieħdu miżuri fir-rigward tat-tipi kollha tal-istrumenti finanzjarji, u jmorru lil hinn mill-miżrui permanenti li japplikaw biss għal tipi partikolari ta’ strumenti fejn ikun hemm riskji identifikati li jeħtieġu li jiġu indirizzati.

(5)

Biex tintemm is-sitwazzjoni frammentata tal-lum fejn xi Stati Membri ħadu miżuri diverġenti u biex tiġi ristretta l-possibilità li jittieħdu miżuri diverġenti mill-awtoritajiet kompetenti huwa importanti li jiġu indirizzati r-riskji potenzjali li joriġinaw mill-bejgħ bin-nieqes u swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu b’mod armonizzat. Ir-rekwiżiti li għandhom jiġu imposti għandhom jindirizzaw ir-riskji identifikati mingħajr ma jkunu ta’ detriment mhux mistħoqq għall-benefiċċji li l-bejgħ bin-nieqes jipprovdi għall-kwalità u l-effiċjenza tas-swieq. Filwaqt li f’ċerti sitwazzjonijiet jista’ jkun hemm effetti negattivi, f’kundizzjonijiet normali tas-suq il-bejgħ bin-nieqes għandu rwol importanti fl-iżgurar tal-funzjonament korrett tas-swieq finanzjarji, b’mod partikolari fil-kuntest tal-likwidità tas-suq u l-formazzjoni effiċjenti tal-prezzijiet.

(6)

Referenzi f’dan ir-Regolament għal persuni fiżiċi u ġuridiċi għandhom jinkludu assoċjazzjonijiet ta’ negozju rreġistrati mingħajr personalità ġuridika.

(7)

Trasparenza msaħħa li għandha x’taqsam ma’ pożizzjonijiet bin-nieqes netti sinifikanti fi strumenti finanzjarji speċifiċi x’aktarx tkun ta’ benefiċċju kemm għar-regolatur kif ukoll għall-parteċipanti fis-suq. Għal ishma ammessi għan-negozjar f’ċentru tan-negozjar fl-Unjoni, għandu jiddaħħal mudell fuq żewġ saffi li jipprovdi għal trasparenza akbar ta’ pożizzjonijiet bin-nieqes netti sinifikanti f’ishma fil-livell xieraq. Fil-livell limitu l-aktar baxx, in-notifika ta’ pożizzjoni għandha ssir privatament lir-regolaturi konċernati biex tippermettilhom jimmonitorjaw u, fejn meħtieġ, jinvestigaw il-bejgħ bin-nieqes li jista’ joħloq riskji sistemiċi, ikun abbużiv jew joħloq swieq diżorganizzati; fil-livell limitu ogħla, il-pożizzjonijiet għandhom jiġu ddivulgati pubblikament lis-suq sabiex tiġi pprovduta informazzjoni utli lil parteċipanti oħra fis-suq dwar pożizzjonijiet bin-nieqes individwali sinifikanti f’ishma.

(8)

Rekwiżit li r-regolaturi jiġu nnotifikati bil-pożizzjonijiet bin-nieqes netti sinifikanti li għandhom x’jaqsmu ma’ dejn sovran fl-Unjoni għandu jkun introdott peress illi tali notifika tipprovdi informazzjoni importanti li jgħin lir-regolaturi fil-monitoraġġ dwar jekk dawn il-pożizzjonijiet ikunux fil-fatt qed joħolqu riskji sistemiċi jew ikunux qed jintużaw għal għanijiet abbużivi. Tali rekwiżit għandu jinkludi biss divulgazzjoni privata lir-regolaturi minħabba li l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni lis-suq għal dawn l-istrumenti jista’ jkollha effett detrimentali fuq swieq ta’ dejn sovran fejn il-likwidità tkun diġà indebolita.

(9)

Ir-rekwiżiti ta’ notifika marbuta ma’ dejn sovran għandhom japplikaw għall-istrumenti ta’ dejn maħruġa minn Stat Membru u mill-Unjoni, inklużi l-Bank Ewropew tal-Investiment, dipartiment tal-gvern ta’ Stat Membru, aġenzija, vettura bi skop speċjali jew istituzzjoni finanzjarja internazzjonali stabbilita minn żewġ Stati Membri jew aktar li toħroġ id-dejn f’isem Stat Membru jew f’isem diversi Stati Membri, bħall-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja jew il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà prospettiv. Fil-każ ta’ Stati Membri federali, ir-rekwiżiti tan-notifika għandhom japplikaw wkoll għal strumenti ta’ dejn maħruġa minn membri tal-federazzjoni. Huma m’għandhomx, madankollu, japplikaw għal korpi oħra reġjonali jew lokali jew korpi quasi-pubbliċi fi Stat Membru li joħroġ strumenti ta ‘dejn. L-għan ta’ strumenti ta’ dejn maħruġa mill-Unjoni huwa li jipprovdu appoġġ għall-bilanċ tal-pagamenti jew istabbiltà finanzjarja lill-Istati Membri, jew assistenza makro-finanzjarja lill-pajjiżi terzi.

(10)

Sabiex tiġi żgurata trasparenza komprensiva u effikaċi, huwa importanti li ir-rekwiżiti tan-notifika jkopru mhux biss pożizzjonijiet bin-nieqes li jinħolqu permezz tan-negozjar tal-ishma jew id-dejn sovran f’ċentri tan-negozjar imma anke pożizzjonijiet bin-nieqes li jinħolqu permezz tan-negozjar barra minn ċentri tan-negozjar u pożizzjonijiet bin-nieqes netti li jinħolqu permezz tal-użu ta’ derivati, bħal opzjonijiet, futuri, strumenti marbuta mal-indiċi, kuntratti għal differenzi u spread bets li għandhom x’jaqsmu ma’ ishma jew dejn sovran.

(11)

Sabiex ikun utli għar-regolaturi u s-swieq, kwalunkwe reġim ta’ trasparenza għandu jipprovdi informazzjoni kompleta u akkurata dwar pożizzjonijiet ta’ persuna fiżika jew ġuridika. B’mod partikolari, l-informazzjoni pprovduta lir-regolatur jew lis-suq għandha tqis kemm pożizzjonijiet bin-nieqes kif ukoll twal sabiex tiġi pprovduta informazzjoni importanti dwar il-pożizzjonijiet bin-nieqes netti ta’ persuna fiżika jew ġuridika f’ishma, dejn sovran u swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu.

(12)

Il-kalkolu ta’ pożizzjonijiet bin-nieqes jew twal għandu jqis kwalunkwe forma ta’ interess ekonomiku li persuna fiżika jew ġuridika jkollha fir-rigward tal-kapital azzjonarju maħruġ ta’ kumpanija jew lid-dejn sovran maħruġ ta’ Stat Membru jew tal-Unjoni. B’mod partikolari għandu jqis dan l-interess ekonomiku miksub direttament jew indirettament permezz tal-użu ta’ derivati bħal opzjonijiet, futuri, kuntratti għal differenzi u spread bets li jkollhom x’jaqsmu ma’ ishma jew dejn sovran, u indiċijiet, basktijiet ta’ titoli u fondi kummerċjali ta’ skambju. Fil-każ ta’ pożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ dejn sovran, għandu jqis ukoll is-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu li jkollu x’jaqsam ma’ emittenti tad-dejn sovran.

(13)

Barra mir-reġim ta’ trasparenza previst f’dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra, fil-kuntest tar-reviżjoni tagħha tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Arpil 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji (5), jekk l-inklużjoni min-naħa tad-ditti ta’ investiment ta’ tagħrif dwar il-bejgħ bin-nieqes fir-rapporti ta’ tranżazzjoni magħmulin lill-awtoritajiet kompetenti tagħtix tagħrif supplementari utili li jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jimmonitorjaw il-livell ta’ bejgħ bin-nieqes.

(14)

Ix-xiri ta’ swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu mingħajr ma wieħed ikollu pożizzjoni twila f’dejn sovran sottostanti jew kwalunkwe assi, portafoll ta’ assi, obbligazzjonijiet finazjarji jew kuntratti finanzjarji li l-valur tagħhom ikun ikkorrelat mal-valur tad-dejn sovran jista’ jkun, f’sens ekonomiku, ekwivalenti għat-teħid ta’ pożizzjoni bin-nieqes fl-istrument sottostanti ta’ dejn. Il-kalkolu ta’ pożizzjoni bin-nieqes netta fir-rigward ta’ dejn sovran għandu għalhekk jinkludi s-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu fir-rigward ta’ obbligu ta’ emittent ta’ dejn sovran. Il-pożizzjoni tas-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu għandha titqies kemm għall-fini li jiġi ddeterminat jekk persuna fiżika jew ġuridika jkollhiex pożizzjoni bin-nieqes netta sinifikanti li għandha x’taqsam ma’ dejn sovran li jkun jeħtieġ li jiġi nnotifikat lil awtorità kompententi u fejn awtorità kompetenti tissospendi restrizzjonijiet fuq tranżazzjonijiet skoperti ta’ swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu għall-fini li tiġi ddeterminata l-pożizzjoni sinifikanti mhux koperta fi swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu fir-rigward ta’ emittent ta’ dejn sovran li jeħtieġ li jiġi nnotifikat lill-awtorità kompetenti.

(15)

Sabiex jiġi permess il-monitoraġġ kontinwu ta’ pożizzjonijiet, ir-reġim ta’ trasparenza għandhom jinkludu wkoll notifika jew divulgazzjoni fejn bidla f’pożizzjoni bin-nieqes netta tirriżulta f’żieda jew tnaqqis ’il fuq jew taħt ċerti limiti.

(16)

Sabiex ikunu effikaċi, huwa importanti li r-reġim ta’ trasparenza japplikaw irrispettivament minn fejn tinstab il-persuna fiżika jew ġuridika, inkluż f’pajjiż terz, fejn dik il-persuna jkollha pożizzjoni bin-nieqes netta sinifikanti f’kumpanija li jkollha ishma ammessi għan-negozjar f’ċentru tan-negozjar fl-Unjoni jew pożizzjoni bin-nieqes netta f’dejn sovran maħruġ minn Stat Membru jew mill-Unjoni.

(17)

Id-definizzjoni ta’ bejgħ bin-nieqes m’ għandhiex tinkludi ftehim ta’ riakkwist bejn żewġ partijiet fejn parti waħda tbigħ lill-oħra titolu għal prezz speċifikat b’impenn li tixtri t-titolu lura f’data aktar tard għal prezz speċifikat ieħor jew biex tinkludi kuntratt derivattiv fejn huwa maqbul li jinbigħu titoli għal prezz speċifikat f’data futura. Barra minn hekk, id-definizzjoni m’għandhiex tinkludi trasferiment ta’ titoli taħt ftehim ta’ self ta’ titoli.

(18)

Bejgħ bin-nieqes skopert ta’ ishma u dejn sovran xi kultant jitqies bħala li jżid ir-riskju potenzjali ta’ nuqqas ta’ saldu u volatilità. Sabiex jitnaqqsu dawn ir-riskji huwa xieraq li jitpoġġew restrizzjonijiet proporzjonati fuq bejgħ bin-nieqes skopert ta’ tali strumenti. Ir-restrizzjonijiet dettaljati għandhom iqisu l-arranġamenti differenti użati bħalissa għal bejgħ bin-nieqes kopert. Dawn jinkludu ftehim ta’ riakkwist separat li abbażi tiegħu l-persuna li tbigħ bin-nieqes titolu tixtri lura titolu ekwivalenti fiż-żmien dovut biex tippermetti s-saldu tat-tranżazzjoni ta’ bejgħ bin-nieqes u tinkludi arranġamenti kollaterali jekk min jakkwista l-kollaterali jista’ juża t-titolu biex isaldi t-tranżazzjoni ta’ bejgħ bin-nieqes. Aktar eżempji jinkludu: ħruġ ta’ drittijiet (offerti) ta’ kumpaniji lill-azzjonijiet eżistenti, gruppi ta’ self (lending pools) u faċilitajiet għal ftehim ta’ riakkwist ipprovduti, pereżempju, minn ċentri ta’ negozjar, sistemi tal-ikklerjar (clearing) jew banek ċentrali.

(19)

Fir-rigward tal-bejgħ skopert ta’ ishma, huwa meħtieġ li persuna naturali jew ġuridika jkollha arranġament ma’ parti terza li bis-saħħa tiegħu dik il-parti terza tkun ikkonfermat li s-sehem nstab, li jfisser li l-parti terza tikkonferma li hija tikkunsidra li hija tista’ tagħmel is-sehem disponibbli għas-saldu meta jkun dovut. Sabiex tingħata din il-konferma huwa jeħtieġ li jittieħdu miżuri fir-rigward ta’ partijiet terzi sabiex il-persuna ġuridika naturali jew ġuridika jkollha aspettattiva raġonevoli li s-saldu jista’ jsir meta jkun dovut. Dan jinkludi miżuri bħal allokazzjoni mill-parti terza ta’ ishma għal self jew tax-xiri sabiex s-saldu jsir meta jkun dovut. Fir-rigward tal-bejgħ bin-nieqes li għandu jkun kopert permezz tax-xiri tas-sehem matul il-jum stess, tali miżuri għandhom jikludu il-konferma mill-parti terzi li hija tikkunsidra li s-sehem jkun faċli biex li jiġi misluf jew mixtri. Il-likwidità tal-ishma, b’mod partikolari l-livell tal-fatturat u l-faċilità li biha x-xiri, il-bejgħ u s-self jista’ jsir b’impatt minimu fis-suq, titqies mill-AETS meta jiġi determinat x’miżuri huma neċessarji sabiex ikun hemm aspettattiva raġonevoli li s-saldu jista’ jiġi affettwat meta dovut.

(20)

Fir-rigward tal-bejgħ irregolari skopert tad-dejn sovran, il-fatt li bejgħ bin-nieqes ikun kopert bl-akkwist tad-dejn sovran matul l-istess ġurnata jista’ jitqies bħala eżempju ta’ stennija raġonevoli li s-saldu jista’ jiġi affettwat meta jkun dovut.

(21)

Is-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu sovrani għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipju tal-interessi li jistgħu jkunu assigurati filwaqt li jiġi rikonoxxut li jista’ jkun hemm interessi f’emittent sovran barra mis-sjieda ta’ bonds. Dawn l-interessi jinkludu l-iħħeġġjar kontra r-riskju tal-inadempjenza tal-emittent tad-dejn sovran meta persuna fiżika jew ġuridika jkollha pożizzjoni twila fid-dejn sovran ta’ dak l-emittent tad-dejn, jew iħħeġġjar kontra riskju ta’ deklin fil-valur tad-dejn sovran fejn il-persuna naturali jew ġuridika jkollha beni jew tkun soġġetta għal debiti li jirreferu għal entitajiet pubbliċi jew privati fl-Istat Membru kkonċernat u li l-valur tagħhom ikun korrelatat mal-valur tad-dejn sovran. Tali beni għandhom jinkludu kuntratti finanzjarji, portafoll ta’ beni jew ta’ obbligazzjonijiet finanzjarji, kif ukoll rata ta’ mgħax jew tranżazzjonijiet ta’ swap ta’ munita f’dak li inrelazzjoni miegħu l-iswap tal-kreditu sovran jintuża bħala għodda ta’ ġestjoni tar-riskju tal-kontroparti għall-espożizzjoni tal-iħħeġġjar f’kuntratti finanzjarji u ta’ kummerċ barrani. L-ebda pożizzjoni jew portafoll ta’ pożizzjonijiet użati fil-kuntest tal-hedgin tal-espożizzjonijiet għal sovran ma għandu jitqies bħala pożizzjoni mhux koperta fi swap ta’ inadempjenza ta’ kreditu sovran. Dan jinkludi l-espożizzjonijiet kollha għall-amministrazzjoni ċentrali, reġjonali u lokali, entijiet tas-settur pubbliku jew kull espożizzjoni ggarantita minn kull enti riferit. Barra minn hekk, l-espożizzjoni għal entijiet tas-settur privat stabbiliti fl-Istat Membru kkonċernat għandha wkoll tkun inkluża. L-espożizzjonijiet kollha għandhom jitqiesu f’dan il-kuntest inklużi l-mutwi, ir-riskju ta’ kreditu tal-kontroparti (inkluża l-espożizzjoni potenzjali fejn il-kapital regolatorju huwa rikjest għal tali espożizzjoni), reċevibbli u garanziji. Dan jinkludi wkoll l-espożizzjonijiet indiretti għal kull enti riferit ottenut, inter alia, permezz ta’ espożizzjoni għall-indiċijiet, fondi jew vetturi bi skop speċjali.

(22)

Billi d-dħul fi swap ta’ inadempjenza ta’ kreditu sovran mingħajr l-espożizzjoni sottostanti għar-riskju ta’ deklin fil-valur tad-dejn sovran jista’ jkollu impatt negattiv fuq l-istabilità tas-swieq tad-dejn sovran, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi ma għandhomx jitħallew jidħlu f’tali pożizzjonijiet ta’ swap ta’ inadempjenza ta’ kreditu mhux kopert. B’danakollu, mal-ewwel sinjal li s-suq tad-dejn sovran mhux jaħdem kif imiss, l-awtorità kompetenti għandha tingħata s-setgħa tissospendi tali restrizzjoni temporanjament. Tali sospensjoni għandha tkun ibbażata fuq it-twemmin tal-awtorità kompetenti fuq raġunijiet oġġettivi wara analiżi tal-indikaturi stipulati f’dan ir-Regolament. L-awtoritajiet kompetenti għandha tingħatalhom is-setgħa jużaw indikaturi addizzjonali.

(23)

Huwa xieraq ukoll li jiġu inklużi rekwiżiti għall-kontropartijiet ċentrali b’rabta mal-proċeduri ta’ xiri sfurzat u multi għal falliment ta’ saldu ta’ tranżazzjonijiet f’ishma. Il-proċeduri tax-xiri sfurzat u r-rekwiżiti ta’ saldu tard għandhom jistabbilixxu ġabra ta’ standards bażiċi b’rabta mad-dixxiplina fis-saldu. Ir-rekwiżiti dwar ix-xiri sfurzat u l-multi għandhom ikunu flessibbli biżżejjed biex jippermettu li l-kontroparti ċentrali li tkun responsabbli biex tiżgura li tali proċeduri jkunu implimentati tkun tista’ sserraħ fuq parteċipant ieħor tas-suq għat-twettiq operazzjonali tax-xiri sfurzat jew l-impożizzjoni tal-multa. Madankollu, għall-funzjonament korrett tas-swieq finanzjarji jeħtieġ li jiġu indirizzati aspetti usa’ tad-dixxiplina tas-saldu fi proposta leġislattiva orizzontali.

(24)

Il-miżuri dwar id-dejn sovran u s-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu sovrani, inkluż trasparenza akbar u restrizzjonijiet fuq il-bejgħ bin-nieqes skopert, għandhom jimponu rekwiżiti li jkunu proporzjonati u fl-istess waqt jevitaw impatt avvers fuq il-likwidità tas-swieq tal-bonds sovrani u s-swieq tar-riakkwist tal-bonds sovrani.

(25)

L-ishma qed jiġu ammessi dejjem aktar għan-negozju f’ċentri tan-negozjar differenti kemm fl-Unjoni u f’pajjiżi terzi. Ħafna kumpaniji kbar ibbażati f’pajjiż terz għandhom ukoll ishma ammessi għan-negozjar f’ċentru tan-negozjar fl-Unjoni. Għal raġunijiet ta’ effiċjenza, huwa xieraq li t-titoli jiġu eżentati minn ċerti rekwiżiti tan-notifika u d-divulgazzjoni, fejn iċ-ċentru prinċipali għan-negozjar ta’ dak l-istrument ikun f’pajjiż terz.

(26)

Attivitajiet ta’ ġenerazzjoni tas-suq għandhom rwol kruċjali f’li jipprovdu likwidità lis-swieq fl-Unjoni u l-ġeneraturi tas-suq jeħtieġ li jieħdu pożizzjonijiet bin-nieqes sabiex iwettqu dak ir-rwol. L-impożizzjoni ta’ rekwiżiti fuq tali attivitajiet jista’ jimpedixxi severament l-abilità tagħhom li jipprovdu likwidità u jkollhom impatt negattiv sinifikanti fuq l-effiċjenza tas-swieq tal-Unjoni. Barra minn hekk persuni li jiġġeneraw s-suq ma jkunux mistennija li jieħdu pożizzjonijiet bin-nieqes sinifikanti ħlief għal perjodi qosra ħafna. Huwa għalhekk xieraq li persuni fiżiċi jew ġuridiċi involuti f’dawn l-attivitajiet jiġu eżentati minn rekwiżiti li jistgħu jfixklu l-abilità tagħhom li jwettqu din il-funzjoni u għalhekk jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv lis-swieq tal-Unjoni. Sabiex tali rekwiżiti jiġbru entitajiet ekwivalenti ta’ pajjiż terz hemm bżonn proċedura sabiex tiġi vvalutata l-ekwivalenza ta’ swieq ta’ pajjiż terzi. L-eżenzjoni għandha tapplika għat-tipi differenti ta’ attività ta’ ġenerazzjoni tas-suq imma mhux għan-negozjar tal-proprjetà. Huwa xieraq ukoll li jiġu eżentati ċerti operazzjonijiet fis-suq primarju bħal dawk li għandhom x’jaqsmu ma’ dejn sovran u skemi ta’ stabilizzazzjoni minħabba li huma attivitajiet importanti li jgħinu fil-funzjonament effiċjenti tas-swieq. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiġu nnotifikati dwar l-użu ta’ eżenzjonijiet u għandu jkollhom is-setgħa li jipprojbixxu persuna fiżika jew ġuridika milli tuża eżenzjoni jekk din ma tkunx tissodisfa l-kriterji rilevanti tal-eżenzjoni. L-awtoritajiet kompetenti għandhom ukoll ikunu kapaċi jitolbu informazzjoni minn persuna fiżika jew ġuridika biex jimmonitorjaw l-użu tagħha tal-eżenzjoni.

(27)

Fil-każ ta’ żviluppi avversi li jikkostitwixxu theddida serja għall-istabbiltà finanzjarja jew għall-fiduċja fis-suq fi Stat Membru jew l-Unjoni, l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom setgħat ta’ intervent sabiex jirrikjedu trasparenza akbar jew li jimponu restrizzjonijiet temporanji fuq il-bejgħ bin-nieqes u tranżazzjonijiet ta’ swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu jew tranżazzjonijiet oħra sabiex jipprevjenu nżul diżordinat fil-prezz ta’ strument finanzjarju. Tali miżuri jistgħu jkunu meħtieġa minħabba varjetà ta’ avvenimenti jew żviluppi avversi inkluż mhux biss avvenimenti finanzjarji jew ekonomiċi imma anke pereżempju diżastri naturali jew atti terroristiċi. Barra minn hekk, xi avveniment jew żviluppi avversi li jeħtieġu miżuri jistgħu sempliċement joriġinaw fi Stat Membru wieħed biss u mhux neċessarjament ikollhom xi implikazzjonijiet transkonfinali. Tali setgħat jeħtieġ li jkunu flessibbli biżżejjed biex l-awtoritajiet kompetenti jittrattaw firxa ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali differenti. Fit-teħid ta’ miżuri bħal dawn, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jirrispettaw il-prinċipju tal-proporzjonalità.

(28)

Billi dan ir-Regolament jindirizza biss ir-restrizzjonijiet fuq il-bejgħ bin-nieqes u l-iswaps tal-inadempjenza tal-kreditu għall-prevenzjoni ta’ deklin diżorganizzat fil-prezz ta’ strument finanzjarju, il-ħtieġa ta’ tipi oħrajn ta’ restrizzjonijiet bħalma huma l-limiti tal-pożizzjoni jew ir-restrizzjonijiet fuq il-prodotti, li jistgħu jwasslu għal tħassib gravi dwar il-ħarsien tal-investitur, jitqiesu b’mod aktar xieraq fil-kuntest tar-reviżjoni mill-Kummissjoni tad-Direttiva 2004/39/KE.

(29)

Filwaqt li l-awtoritajiet kompetenti normalment huma normalment fl-aħjar pożizzjoni biex jimmonitorjaw il-kundizzjonijiet tas-suq u biex jirreaġixxu inizjalment għal avveniment jew żvilupp avvers billi jiddeċiedu jekk ikunx hemm theddida serja għall-istabbiltà finanzjarja u l-fiduċja fis-suq u jekk ikunx neċessajru li jittieħdu miżuri biex tiġi indirizzata sitwazzjoni bħal din, is-setgħat f’dan ir-rigward u l-kundizzjonijiet u proċeduri għall-użu minnhom għandhom jiġu armonizzati kemm jista’ jkun possibbli.

(30)

Fil-każ ta’ waqgħa sinifikanti fil-prezz ta’ strument finanzjarju f’ċentru tan-negozjar, awtorità kompetenti għandha wkoll tkun kapaċi tirrestrinġi temporanjament il-bejgħ bin-nieqes tal-istrument finanzjarju f’dak iċ-ċentru fil-ġuriżdizzjoni tagħha stess jew titlob tali restrizzjoni lill-AETS f’ġuriżdizzjonijiet oħra sabiex tkun kapaċi tintervjeni rapidament fejn xieraq u tipprevjeni għal perjodu qasir waqgħa diżordinata fil-prezz tal-istrument konċernat. L-awtorità kompetenti għandu wkoll ikollha l-obbligu li tinnotifika tali deċiżjoni lill-AETS, b’tali mod li l-AETS tkun tista’ minnufih tinforma lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra b’postijiet fejn jiġi kkumerċjalizzat l-istess strument, tikkoordina t-teħid ta’ miżuri minn dawk l-Istati Membri l-oħra u, jekk ikun hemm bżonn, tassistihom fl-ilħiq ta’ ftehim, jew tieħu deċiżjoni hija stess, fi qbil mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

(31)

Fejn avveniment jew żvilupp avvers jestendi lil hinn minn Stat Membru wieħed jew ikollha implikazzjonijiet transkonfinali oħra, pereżempju jekk strument finanzjarju jkun ammess għall-kummerċ f’postijiet tal-kummerċ differenti f’għadd ta’ Stati Membri differenti, huwa essenzjali li jkun hemm konsultazzjoni u kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet kompetenti. L-AETS għandu jkollha rwol ewlieni fil-koordinazzjoni f’din is-sitwazzjoni u għandha tipprova tiżgura konsistenza bejn l-awtoritajiet kompetenti. Il-kompożizzjoni tal-AETS, li tinkludi rappreżentanti ta’ awtoritajiet kompetenti, ser tgħinha fil-qadi ta’ tali rwol. Barra minn hekk, l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom is-setgħa li jieħdu miżuri meta jkollhom interess li jintervjenu.

(32)

Flimkien ma’ miżuri ta’ koordinazzjoni minn awtoritajiet kompetenti, l-AETS għandha tiżgura li l-miżuri jittieħdu biss minn awtoritajiet kompetenti fejn ikun meħtieġ u proporzjonat. L-AETS għandha tkun kapaċi tagħti opinjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti dwar l-użu ta’ setgħat ta’ intervent.

(33)

Filwaqt li l-awtoritajiet kompetenti spiss ser ikunu fl-aħjar pożizzjoni biex jimmonitorjaw u jirreaġixxu rapidament għal avveniment jew żvilupp avvers, l-AETS stess għandu jkollha wkoll is-setgħa li tieħu miżuri fejn il-bejgħ bin-nieqes u attivitajiet oħra relatati jheddu l-funzjonament ordinat u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja sħiħa jew parti minnha fl-Unjoni, fejn ikun hemm implikazzjonijiet transkonfinali u fejn l-awtoritajiet kompetenti ma’ ħadux miżuri suffiċjenti biex jindirizzaw it-theddida. L-AETS għandha tinforma lill-Bord Ewropew tar-Riskju Sistemiku (BERS) stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (6) fejn possibbli, u awtoritajiet oħra rilevanti meta tali miżura jkun jista’ jkollha effetti lil hinn mis-swieq finanzjarji, bħal ma jista’ jkun il-każ għal derivati ta’ kommodita’ li jintużaw biex jiħħeġġjaw pożizzjonijiet fiżiċi.

(34)

Is-setgħat tal-AETS skont dan ir-Regolament sabiex tirrestrinġi l-bejgħ bin-nieqes u attivitajiet oħra relatati f’ċirkostanzi eċċezzjonali huma konformi mal-Artikoli 9(5) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010. Dawk is-setgħat għandhom ikunu mingħajr ħsara għas-setgħat tal-AETS f’sitwazzjoni ta’ emerġenza skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010. B’mod partikolari, l-AETS għandha tkun tista’ tadotta deċiżjonijiet individwali li jirrikjedu li l-awtoritajiet kompetenti jieħdu miżuri jew deċiżjonijiet individwali indirizzati lejn parteċipanti fis-suq finanzjarju skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

(35)

Ir-referenzi f’dan ir-Regolament għall-Artikoli 18 u 38 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 huma ta’ natura deklaratorja. Dawk l-artikoli japplikaw ukoll fl-assenza ta’ tali referenzi.

(36)

Is-setgħat ta’ intervent tal-awtoritajiet kompetenti u l-AETS biex jirristrinġu l-bejgħ bin-nieqes, is-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu u tranżazzjonijiet oħra għandhom ikunu ta’ natura temporanja biss u għandhom jiġu eżerċitati biss għal dan il-perijodu u sa fejn meħtieġ sabiex tiġi indirizzata t-theddida speċifika.

(37)

Minħabba r-riskji speċifiċi li jistgħu jinħolqu mill-użu tas-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu, dawn it-tranżazzjonijiet jeħtieġu monitoraġġ mill-qrib minn awtoritajiet kompetenti. B’mod partikolari, l-awtoritajiet kompetenti, f’każijiet eċċezzjonali, għandu jkollhom is-setgħa li jirrikjedu informazzjoni minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi li qed jidħlu għal dawn it-tranżazzjonijiet dwar l-għan għal liema jkunu daħlu għat-tranżazzjoni.

(38)

L-AETS għandha tingħata wkoll setgħa li twettaq inkjesta dwar kwistjoni jew prattika li għandha x’taqsam mal-bejgħ bin-nieqes jew l-użu ta’ swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu sabiex tivvaluta jekk dik il-kwistjoni jew prattika tippreżentax xi theddida potenzjali għall-istabbiltà finanzjarja jew għall-fiduċja fis-suq. Meta twettaq tali inkjesti l-AETS għandha tippubblika rapport bis-sejbiet tagħha.

(39)

Minħabba li xi dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jistgħu japplikaw għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi u azzjonijiet f’pajjiżi terzi, huwa meħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet super viżorji f’pajjiżi terzi jikkooperaw f’ ċerti sitwazzjonijiet. L-awtoritajiet kompetenti għandhom għalhekk jidħlu f’arranġamenti ma’ awtoritajiet superviżorji f’pajjiżi terzi. L-AETS għandha tikkoordina l-iżvilupp ta’ dawn l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni rċevuta minn pajjiżi terzi bejn l-awtoritajiet kompetenti.

(40)

Dan ir-Regolament jħares id-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti partikolarment fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropew (TFUE) u l-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta), partikolarment id-dritt tal-protezzjoni tad-data personali previst fl-Artikolu 16 TFUEu l-Artikolu 8 tal-Karta. It-trasparenza rigward il-pożizzjonijiet bin-nieqes netti sinifikanti, inkluż id-divulgazzjoni pubblika oltre ċertu livell limitu, fejn prevista f’dan ir-Reoglament, hija meħtieġa għar-raġunijiet ta’ stabbiltà tas-suq finanzjarju u l-protezzjoni għall-investituri. Tali trasparenza ser tippermetti lir-regolaturi jimmonitorjaw l-użu tal-bejgħ bin-nieqes b’rabta mal-istrateġiji abbużivi u l-implikazzjonijiet tal-bejgħ bin-nieqes fuq il-funzjonament kif imiss tas-swieq. Barra minn hekk, tali trasparenza tista’ tgħin biex jitnaqqsu assimetriji fl-informazzjoni, u jiġi żgurat li l-parteċipanti kollha fis-suq jkunu informati adegwatement dwar safejn il-bejgħ bin-nieqes qed jaffettwa l-prezzijiet. Kwalunkwe skambju jew trasmissjoni ta’ informazzjoni minn awtoritajiet kompetenti għandu jsir skont ir-regoli dwar it-trasferiment ta’ data personali mniżżla fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 fuq il-protezzjoni tal-individwi fejn jidħol l-ipproċessar ta’ data personali u fuq il-moviment liberu ta’ din id-data (7). Kwalunkwe skambju jew trasmissjoni ta’ informazzjoni mill-AETS għandha ssir skont ir-regoli dwar it-trasferiment ta’ data personali mniżżla fir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fit-18 ta’ Diċembru 2000 fuq il-protezzjoni tal-individwi fejn jidħol l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (8), li għandha tkun applikabbli għal kollox għall-ipproċessar ta’ data personali għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

(41)

Filwaqt li jieħdu kont tal-prinċipji ddelineati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tisħiħ tar-reġimi ta’ sanzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji u atti legali tal-Unjoni adottati bħala segwitu għal dik il-Komunikazzjoni, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar penali u miżuri amministrattiviapplikabbli għal ksur tad-disposizzjonijet ta’ dan ir-Regolament u jiżguraw li jkunu implimentati. Dawk il-penali u miżuri amministrattivi għandhom ikunu effikaċi, proporzjonati u dissważivi. Għandhom ikunu msejsin fuq linji gwida adottati mill-AETS għall-promozzjoni tal-konverġenza u l-konsistenza bejn is-setturi tar-reġimi ta’ penali fis-settur finanzjarju.

(42)

Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu kkonferiti setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Dawk is-setgħat għandhom ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali rigward mekkaniżmi għall-kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju tal-Kummissjoni li timplimenta s-setgħat (9). Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Parlament Ewropew infurmat dwar il-progress marbut mad-deċiżjonijiet li jiddeterminaw l-ekwivalenza tal-oqfsa ġuridiċi u superviżorji ta’ pajjiżi terzi mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

(43)

Is-setgħa li jkunu adotatti atti skont l-Artikolu 290 TFUE għandha tkun delegata lill-Kumissjoni fir-rigward tad-dettalji li jikkonċernaw il-kalkolu ta’ pożizzjonijiet bin-nieqes, fejn persuna fiżika jew ġuridika jkollha pożizzjoni skoperta fi swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu, il-livelli limitu ta’ notifika jew divulgazzjoni u aktar speċifikazzjoni tal-kriterji u fatturi biex jiġi ddeterminat f’liema każijiet avveniment jew żvilupp avvers joħloq theddida serja għall-istabbiltà finanzjarja jew għall-fiduċja fis-suq fi Stat Membru jew fl-Unjoni. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet adatti matul il-ħidma preparatorja tagħha, anki fil-livell ta’ esperti tal-istituzzjonijiet, l-awtoritajiet u l-aġenziji rilevanti, fejn dan ikun f’loku. Il-Kummissjoni, meta tkun qed tħejji u tfassal l-atti delegati, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, fil-ħin u xierqa tad-dokumenti relevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(44)

Il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill li jivvaluta l-adegwatezza tal-livelli limitu tan-notifika u d-divulgazzjoni pubblika previsti, l-operazzjoni tar-restrizzjonijiet u r-rekwiżiti li għandhom x’jaqsmu mat-trasparenza ta’ pożizzjonijiet bin-nieqes netti u jekk kwalunkwe restrizzjoni jew kondizzjoni oħra fuq bejgħ bin-nieqes jew swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu tkunx xierqa.

(45)

Billi l-objettivi ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu suffiċjentement mill-Istati Membri minkejja li l-awtoritajiet kompetenti huma f’pożizzjoni aħjar biex jimmonitorjaw u għandhom għarfien aħjar, tal-iżviluppi tas-suq, l-impatt kumplessiv tal-problemi relatati mal-bejgħ bin-nieqes u s-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu jistgħu jinftiehmu aħjar biss f’kuntest tal-Unjoni, u għalhekk jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, konformement mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(46)

Billi xi Stati Membri diġà daħħlu fis-seħħ restrizzjonijiet fuq bejgħ bin-nieqes u billi dan ir-Regolament jipprevedi atti delegati u standards tekniċi vinkolanti li għandhom jiġu adottati qabel ma jkunjista’ jiġi applikat b’mod utli, huwa meħtieġ li jiġi previst perijodu suffiċjenti ta’ żmien għal finijiet ta’ tranżizzjoni. Billi huwa essenzjali li jiġu speċifikati, qabel l-1 ta’ Novembru 2012, l-elementi mhux essenzjali prinċipali li se jiffaċilitaw il-konformita’ mill-parteċipanti fis-suq ma’ dan ir-Regolament u l-infurzar mill-awtoritajiet kompetenti, huwa wkoll neċessarju li l-Kummissjoni tiġi provduta bil-mezzi biex tadotta standards tekniċi u atti delegati qabel dik id-data,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal dan li ġej:

(a)

strument finanzjarji fit-tifsira tal-punt (a) tal-Artikolu 2(1) li jkunu ammessi għan-negozjar f’ċentru tan-negozjar fl-Unjoni, inklużi tali strumenti meta jiġu nnegozjati barra minn ċentru tan-negozjar;

(b)

derivati msemmija fil-punti (4) sa (10) tat-Taqsima C tal-Anness I tad-Direttiva 2004/39/KE relatati ma’ strumenti finanzjarji msemmija fil-punt (a) jew ma’ emittent ta’ tali strument finanzjarju, inkluż tali derivati meta nnegozjati barra ċentru tan-negozjar;

(c)

strumenti ta’ dejn maħruġa minn Stat Membru jew l-Unjoni u derivati li hemm riferiment għalihom fl-Anness I it-Taqsima C il-punti (4) sa (10) tad-Direttiva 2004/39/KE relatati jew li hemm riferiment għalihom ma’ strumenti ta’ dejn maħruġa minn Stat Membru jew l-Unjoni.

2.   L-Artikolu 18, 20 u 23 sa 30 għandhom japplikaw għall-istrumenti finanzjarji kollha fit-tifsira tal-punt (a) tal-Artikolu 2(1).

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.   Għall-għan ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“strument finanzjarju” tfisser strument elenkat fit-Taqsima C tal-Anness I tad-Direttiva 2004/39/KE;

(b)

“bejgħ bin-nieqes” b’rabta ma’ sehem jew strument ta’ dejn tfisser kwalunkwe bejgħ tas-sehem jew l-istrument ta’ dejn li bejjiegħ ma jkollux is-sjieda tiegħu fil-waqt tad-dħul fil-ftehim ta’ bejgħ, inkluż bejgħa fejn fil-waqt tad-dħul fil-ftehim ta’ bejgħ il-bejjiegħ ikun issellef jew ftiehem li jissellef is-sehem jew l-istrument ta’ dejn għall-konsenja fis-salduli ma jinkludix:

(i)

bejgħa minn kwalunkwe parti taħt ftehim ta’ riakkwist fejn parti qablet li tbigħ lill-oħra titolu għal prezz speċifikat b’impenn mill-parti l-oħra li tbigħ it-titolu lura f’data aktar tard għal prezz speċifikat ieħor,

(ii)

trasferiment ta’ titoli fil-kwadru ta’ ftehim ta’ self ta’ titoli, jew

(iii)

id-dħul f’kuntratt ta’ futuri jew kuntratt ta’ derivattiv ieħor fejn huwa maqbul li jinbigħu t-titoli għal prezz speċifikat f’data futura;

(c)

“swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu” tfisser kuntratt ta’ derivat fejn parti waħda tħallas miżata lil parti oħra għal ħlas jew benefiċċju ieħor fil-każ ta’ avveniment ta’ kreditu li għandu x’jaqsam ma’ entità referenzjarja u ta’ kwalunkwe inadempjenza oħra, relatata ma’ dak il-kuntratt ta’ derivati, li jkollu effett ekonomiku simili;

(d)

“emittent sovran” ifisser kwalunkwe minn dawn li ġejjin li joħroġ strumenti ta’ dejn:

(i)

l-Unjoni;

(ii)

Stat Membru, inkluż dipartiment tal-gvern, aġenzija jew vettura bi skop speċjali tal-Istat Membru;

(iii)

f’każ ta’ Stat Membru federali, il-membri tal-federazzjoni;

(iv)

vettura bi skop speċjali għal diversi Stati Membri;

(v)

istituzzjoni finanzjarja internazzjonali stabbilita minn żewġ Stati Membri jew aktar li jkollha l-fini li timmobilizza l-iffinanzjar u tagħti assistenza finanzjarja għall-benefiċċju tal-membri tagħha li jkunu għaddejjin jew mheddin minn problemi finanzjarji severi, jew

(vi)

il-Bank Ewropew tal-Investiment;

(e)

“swap ta’ inadempjenza tal-kreditu sovran” tfisser swap ta’ inadempjenza tal-kreditu fejn ħlas jew benefiċċju ieħor jitħallas f’każ ta’ avveniment ta’ kreditu jew inadempjenza marbut ma’ emittent sovran;

(f)

“dejn sovran” ifisser strument ta’ dejn maħruġ minn emittent sovran;

(g)

“dejn sovran maħruġ” ifisser it-total tad-dejn sovran maħruġ minn emittenti sovran li ma ġiex mifdi;

(h)

“kapital azzjonarju maħruġ” fir-rigward ta’ kumpanija, tfisser it-total ta’ ishma ordinarji u kwalunkwe sehem preferut maħruġ mill-kumpanija imma ma jinkludix titoli ta’ dejn trasferibbli;

(i)

“Stat Membru ta’ domiċilju” tfisser:

(i)

b’rabta ma’ ditta ta’ investiment fit-tifsira tal-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE jew ma’ suq regolat fit-tifsira tal-punt (14) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE, l-Istat Membru ta’ domiċilju fit-tifsira tal-punt 20 tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE;

(ii)

b’relazzjoni ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, l-Istat Membru ta’ domiċilju fit-tifsira tal-punt 7 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Europew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-eżerċizzju tagħhom (10);

(iii)

b’rabta ma’ kwalunkwe persuna ġuridika mhux imsemmija fil-punti (i) jew (ii), l-Istat Membru li fih jinsab l-uffiċċju reġistrat tagħha jew jekk ma għandhiex uffiċċju reġistrat l-Istat Membru li fih jinsab l-uffiċċju prinċipali tagħha;

(iv)

b’rabta ma’ persuna fiżika l-Istat Membru li fih jinsab l-uffiċċju prinċipali ta’ dik il-persuna, jew, jekk ma jkunx hemm uffiċċju prinċipali, l-Istat Membru li fih hija domiċiljata dik il-persuna;

(j)

“awtorità kompetenti rilevanti” tfisser:

(i)

b’rabta mad-dejn sovran ta’ Stat Membru, jew, fil-każ ta’ Stat Membru federali, rigward dejn sovran ta’ membru tal-federazzjoni jew swap ta’ inadempjenza tal-kreditu li għandu x’jaqsam ma’ Stat Membru jew membru ta’ federazzjoni, l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru;

(ii)

b’rabta mad-dejn sovran tal-Unjoni jew swap ta’ inadempjenza tal-kreditu li għandu x’jaqsam mal-Unjoni, l-awtorità kompetenti tal-ġurisdizzjoni li fiha jinsab id-dipartiment li joħroġ id-dejn;

(iii)

b’rabta mad-dejn sovran ta’ diversi Stati Membri li jaġixxu permezz ta’ vettura bi skop speċjali jew swap ta’ inadempjenza tal-kreditu li għandu x’jaqsam ma’ tali vettura bi skop speċjali, l-awtorità kompetenti tal-ġuriżdizzjoni li fiha hija stabbilita l-vettura bi skop speċjali;

(iv)

b’rabta mad-dejn sovran ta’ istituzzjoni finanzjarja internazzjonali stabbilita minn żewġ Stati Membri jew aktar li jkollha l-fini li timmobilizza l-iffinanzjar u tagħti assistenza finanzjarja għall-benefiċċju tal-membri tagħha li jkunu għaddejjin jew mheddin minn problemi finanzjarji severi, l-awtorità kompetenti tal-ġuriżdizzjoni fejn tkun stabbilitia l-istituzzjoni finanzjarja internazzjonali;

(v)

b’rabta ma’ strument finanzjarju ieħor għajr strument imemmi fil-punt (i) sa (iv), l-awtorità kompetenti għal dak l-istrument finanzjarju kif iddefinita fil-punt (7) tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1287/2006 (11) u ddeterminat skont il-Kapitolu III ta’ dak ir-Regolament;

(vi)

b’rabta ma’ strument finanzjarju li mhuwiex kopert skont il-punti (i) sa (v), l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih l-istrument finanzjarju kien ammess għall-ewwel darba għan-negozjar f’ċentru għan-negozjar;

(vii)

b’rabta ma’ strument ta’ dejn maħruġ mill-Bank Ewropew tal-Investiment, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih jinsab il-Bank Ewropew tal-Investiment;

(k)

“attivitajiet ta’ ġenerazzjoni tas-suq” tfisser l-attivitajiet ta’ ditta ta’ investiment, istituzzjoni ta’ kreditu, entità ta’ pajjiż terz, jew ditta kif imsemmi fil-punt (1) tal-Artikoul 2(1) tad-Direttiva 2004/39/KE, li tkun membru ta’ ċentru tan-negozjar jew ta’ suq f’pajjiż terz li l-qafas legali u superviżorju tiegħu jkun ġie ddikjarat bħala ekwivalenti mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 17(2) meta tinnegozja bħala prinċipal fi strument finanzjarju, kemm jekk innegozjata fiċ-ċentru tan-negozjar jew barra, fi kwalunkwe waħda minn dawn il-kapaċitajiet:

(i)

billi ddaħħal kwoti fuq żewġ binarji, sodi u simultanji, ta’ daqs komparabbli u bi prezzijiet kompetittivi, bir-riżultat li tiġi pprovduta likwidità fuq bażi regolari u kontinwa lis-suq;

(ii)

bħala parti mill-operat normali tagħha, billi tissodisfa ordnijiet mibdija minn klijenti jew b’rispons għat-talbiet tal-klijenti għan-negozjar;

(iii)

billi tiħħeġġja pożizzjonijiet li jirriżultaw mit-twettiq tal-kompiti taħt punti (i) u (ii);

(l)

“ċentru tan-negozjar” tfisser suq regolat fit-tifsira tal-punt (14) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE, jew faċilità tan-negozjar multilaterali fit-tifsira tal-punt (15) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE;

(m)

“ċentru prinċipali” fir-rigward ta’ sehem tfisser iċ-ċentru tan-negozjar ta’ dak is-sehem bl-ogħla fatturat;

(n)

“negozjant primarju awtorizzat” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tkun iffirmat ftehim ma’ emittent sovran jew li għandha rikonoxximent formali bħala negozjant primarju mingħand jew f’isem emittent sovran u li, skont dak il-ftehim jew rikonoxximent, tikkommetti ruħa li tinnegozja bħala prinċipal b’konnessjoni ma’ operazzjonijiet primarji u sekondarji tas-suq li għandhom x’jaqsmu ma’ dejn maħruġ minn dak l-emittent;

(o)

“kontroparti ċentrali” tfisser entità ġuridika li tinterponi lilha nnifisha bejn il-kontropartijiet għall-kuntratti nnegozjati f’suq finanzjarju wieħed jew aktar, u ssir ix-xerrej għal kull bejjiegħ u l-bejjiegħ għal kull xerrej u li hija responsabbli għall-operazzjoni ta’ sistema tal-ikklerjar (clearing);

(p)

“jum ta’ negozju” jfisser jum ta’ negozju kif iddefinit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1287/2006;

(q)

“fatturat” ta’ sehem tfisser fatturat skont it-tifsira fil-punt (9) tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1287/2006.

2.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 42 li jispeċifikaw id-definizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, u partikolarment jispeċifikaw meta persuna fiżika jew ġuridika titqies li jkollha s-sjieda ta’ strument finanzjarji għall-finijiet tad-definizzjoni ta’ bejgħ bin-nieqes fil-punt (b) tal-paragrafu 1.

Artikolu 3

Pożizzjonijiet bin-nieqes u twal

1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, pożizzjoni li tirriżulta minn waħda minn dawn li ġejjin għandha titqies li hija pożizzjoni bin-nieqes relatata mal-kapital azzjonarju maħruġ jew dejn sovran maħruġ:

(a)

bejgħ bin-nieqes ta’ sehem maħruġ minn kumpanija jew ta’ strument ta’ dejn maħruġ minn emittent sovran;

(b)

id-dħul fi tranżazzjoni li toħloq jew li għandha x’taqsam ma’ strument finanzjarju għajr l-istrument imsemmi fil-punt (a) meta l-effett jew wieħed mill-effetti tat-tranżazzjoni jkun li jagħti vantaġġ finanzjarju lill-persuna fiżika jew ġuridika li tkun dieħla f’dik it-tranżazzjoni, fil-każ ta’ tnaqqis fil-prezz jew valur tas-sehem jew tal-istrument ta’ dejn.

2.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, pożizzjoni li tirriżulta minn waħda minn dawn li ġejjin għandha titqies li hija pożizzjoni twila relatata ma’ kapital azzjonarju maħruġ jew dejn sovran maħruġ:

(a)

pussess ta’ sehem maħruġ minn kumpanija jew ta’ strument ta’ dejn maħruġ mill-emittent sovran;

(b)

id-dħul fi tranżazzjoni li toħloq jew li għandha x’taqsam ma’ strument finanzjarju għajr l-istrument imsemmi fil-punt (a) meta l-effett jew wieħed mill-effetti tat-tranżazzjoni jkun li jagħti vantaġġ finanzjarju lill-persuna fiżika jew ġuridika li tkun dieħla f’dik it-tranżazzjoni, fil-każ ta’ żieda fil-prezz jew valur tas-sehem jew tal-istrument ta’ dejn.

3.   Għall-finijiet ta’ paragrafi 1 u 2, il-kalkolu ta’ pożizzjoni bin-nieqes jew twila għandu, fir-rigward ta’ kull pożizzjoni miżmuma indirettament mill-persuna rilevanti, inkluż permezz ta’ kull indiċi, basket ta’ titoli jew kull interess f’fondi nnegozjati fuq is-suq jew entitajiet simili, għandu jiġi ddeterminat mill-persuna fiżika jew ġuridika rilevanti li taġixxi b’mod raġonevoli u tqis l-informazzjoni disponibbli pubblikament dwar il-kompożizzjoni tal-indiċi jew il-basket tat-titoli rilevanti, jew tal-interessi miżmuma mill-fond rilevanti nnegozjat fuq is-suq jew l-entità simili. Fil-kalkolu ta’ tali pożizzjoni bin-nieqes jew twila, l-ebda persuna m’għandha tintalab tikseb xi informazzjoni f’ħin reali dwar din il-kompożizzjoni mingħand xi persuna.

Għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2, il-kalkolu ta’ pożizzjoni bin-nieqes jew twila li għandha x’taqsam ma’ dejn sovran għandha tinkludi kwalunkwe swap ta’ inadempjenza tal-kreditu sovran li għandu x’jaqsam mal-emittent sovran.

4.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-pożizzjoni li jifdal wara t-tnaqqis ta’ kwalunkwe pożizzjoni twila li persuna fiżika jew ġuridika jkollha b’rabta mal-kapital azzjonarju maħruġ minn kwalunkwe pożizzjoni bin-nieqes li l-istess persuna fiżiħa jew ġuridika jkollha b’rabta ma’ dak il-kapital għandha titqies bħala l-pożizzjoni bin-nieqes netta b’rabta mal-kapital azzjonarju maħruġ tal-kumpanija kkonċernata.

5.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-pożizzjoni li jifdal wara t-tnaqqis ta’ kwalunkwe pożizzjoni twila li persuna fiżika jew ġuridika jkollha b’rabta mad-dejn sovran maħruġ u kwalunkwe pożizzjoni twila fi strumenti tad-dejn ta’ emittent, li l-prezz tagħha għandu korrelazzjoni għolja mal-prezz tad-dejn sovran partikolari minn kwalunkwe pożizzjoni bin-nieqes li l-istess persuna fiżika jew ġuridika jkollha b’rabta mal-istess dejn sovran għandha titqies bħala pożizzjoni bin-nieqes netta b’rabta mad-dejn sovran maħruġ tal-emittent sovran ikkonċernat.

6.   Il-kalkolu ta’ dejn sovran skont il-paragrafi 1 sa 5 għandu jkun għal kull emittent sovran anki jekk entitajiet separati joħorġu dejn sovran f’isem l-emittent sovran.

7.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 42 filwaqt li tispeċifika:

(a)

il-każijiet meta persuna fiżika jew ġuridika titqies li tkun is-sid ta’ sehem jew strument ta’ dejn għall-finijiet tal-paragrafu 2;

(b)

każijiet fejn persuna fiżika jew ġuridika jkollha pożizzjoni bin-nieqes netta għall-finijiet tal-paragrafi 4 u 5 u l-metodu tal-kalkolu ta’ tali pożizzjoni;

(c)

il-metodu tal-kalkolu tal-pożizzjonijiet għall-finijiet tal-paragrafi 3, 4 u 5 fejn entitajiet differenti fi grupp ikollhom pożizzjonijiet twal jew bin-nieqes jew għall-attivitajiet ta’ mmaniġġjar ta’ fondi relatati ma’ fondi separati.

Għall-finijiet tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu, il-metodu ta’ kalkolu għandu jqis b’mod partikolari, jekk jiġux segwiti strateġiji ta’ investiment differenti b’rabta mal-emittent partikolari permezz ta’ aktar minn fond separat wieħed ġestit mill-istess ġestur tal-fondi, jekk l-istess strateġija ta’ investiment tkun persegwita b’rabta ma’ emittent partikolari permezz ta’ aktar minn fond wieħed u jekk aktar minn portafoll wieħed fl-istess entità jkunx ġestit fuq bażi diskrezzjonali li tkun tippersegwita l-istess strateġija ta’ investiment b’rabta ma’ emittent partikolari.

Artikolu 4

Pożizzjoni skoperta fi swap ta’ inadempjenza tal-kreditu sovran

1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, persuna fiżika jew ġuridika għandha titqies li jkollha pożizzjoni skoperta fi swap ta’ inadempjenza tal-kreditu sovran meta s-swap ta’ inadempjenza tal-kreditu sovran ma jkunx qed iservi biex jiħħeġġja kontra:

(a)

r-riskju ta’ inadempjenza fejn il-persuna fiżika jew ġuridika jkollha pożizzjoni twila fid-dejn sovran tal-emittent li miegħu huwa marbut l-iswap ta’ inadempjenza tal-kreditu sovran, jew

(b)

ir-riskju ta’ deklin tal-valur tad-dejn sovran meta l-persuni fiżika jew ġuridika jkollha beni jew tkun soġġetta għal debiti, inklużi imma mhux biss kuntratti finanzjarji, portafoll ta’ beni jew obbligazzjonijiet finanzjarji li l-valur tagħhom ikun korrelatat mal-valur tad-dejn sovran.

2.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 42 li tispeċifika, għall-finijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu:

(a)

il-każijiet fejn tranżazzjoni ta’ swap ta’ inadempjenza tal-kreditu sovran titqies li tkun qed tiħħeġġja kontra riskju ta’ inadempjenza jew riskju ta’ tnaqqis fil-valur tad-dejn sovran, u l-metodu tal-kalkolu ta’ pożizzjoni skoperta fi swap ta’ inadempjenza tal-kreditu sovran;

(b)

il-metodu tal-kalkolu tal-pożizzjonijiet fejn entitajiet differenti fi grupp ikollhom pożizzjonijiet twal jew bin-nieqes jew għall-attivitajiet ta’ mmaniġġjar ta’ fondi relatati ma’ fondi separati.

KAPITOLU II

TRASPARENZA TAL-POŻIZZJONIJIET BIN-NIEQES NETTI

Artikolu 5

Notifika lill-awtoritajiet kompetenti ta’ pożizzjonijiet bin-nieqes netti sinifikanti f’ishma

1.   Persuna fiżika jew ġuridika li jkollha pożizzjoni bin-nieqes netta fir-rigward tal-kapital azzjonarju maħruġ ta’ kumpanija li jkollha ishma ammessi għan-negozjar f’ċentru tan-negozjar għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti rilevanti, f’konformità mal-Artikolu 9 meta l-pożizzjoni tilħaq jew taqa’ taħt livell limitu ta’ notifika rilevanti msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Livell limitu ta’ notifika rilevanti huwa perċentwal li huwa ugwali għal 0,2 % tal-kapital azzjonarju maħruġ ta’ dik il-kumpanija konċernata u kull 0,1 % aktar minn dak.

3.   L-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (AETS) tista’ toħroġ lill-Kummissjoni opinjoni dwar l-aġġustament tal-livelli limitu msemmija fil-paragrafu 2, billi tqis l-iżviluppi fis-swieq finanzjarji.

4.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 42 li jimmodifikaw il-livelli limitu msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, filwaqt li tqis l-iżviluppi fis-swieq finanzjarji.

Artikolu 6

Divulgazzjoni pubblika ta’ pożizzjonijiet bin-nieqes netti sinifikanti f’ishma

1.   Persuna fiżika jew ġuridika li jkollha pożizzjoni bin-nieqes netta fir-rigward tal-kapital azzjonarju maħruġ ta’ kumpanija li għandha ishma ammessi għan-negozjar f’ċentru tan-negozjar għandha tiddivulga d-dettalji ta’ dik il-pożizzjoni lill-pubbliku, f’konformità mal-Artikolu 9, meta l-pożizzjoni tilħaq jew taqa’ taħt livell limitu ta’ notifika rilevanti msemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Livell limitu ta’ pubblikazzjoni rilevanti huwa perċentwal li huwa ugwali għal 0,5 % tal-kapital azzjonarju maħruġ ta’ dik il-kumpanija konċernata u kull 0,1 % aktar minn dak.

3.   L-AETS tista’ toħroġ lill-Kummissjoni opinjoni dwar l-aġġustament tal-livelli limitu msemmija fil-paragrafu 2, billi tqis l-iżviluppi fis-swieq finanzjarji.

4.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 42 li jimmodifikaw il-livelli limitu msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, filwaqt li tqis l-iżviluppi fis-swieq finanzjarji.

5.   Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi adottati fir-rigward ta’ offerti ta’ xiri, tranżazzjonijiet ta’ fużjoni u tranżazzjonijiet oħra li jaffettwaw is-sjieda jew il-kontroll ta’ kumpaniji, regolati mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza maħtura mill-Istati Membri skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 fuq offerti ta’ xiri (12) li jeħtieġu d-divulgazzjoni ta’ pożizzjonijiet bin-nieqes lil hinn mir-rekwiżiti ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 7

Notifika lill-awtoritajiet kompetenti ta’ pożizzjonijiet bin-nieqes netti sinifikant f’dejn sovran

1.   Persuna naturali jew legali li jkollha pożizzjoni bin-nieqes netta għad-dejn sovran maħruġ għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti rilevanti, f’konformita’ mal-Artikolu 9, meta tali pożizzjoni tilħaq jew taqa’ taħt livelli limitu ta’ notifika rilevanti għall-emittent sovran ikkonċernat.

2.   Il-livelli limitu ta’ notifika rilevanti għandhom jikkonsistu mill-ammont inizjali u mbagħad livelli inkrimentali addizzjonali speċifikati fir-rigward ta’ kull emittent sovran, kif speċifikat fil-miżuri meħuda mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 3. L-AETS għandha tippubblika fil-websajt tagħha l-limiti minimi tan-notifiki għal kull Stat Membru.

3.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 42 li jispeċifika l-ammonti u l-livell inkrementali msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

Il-Kummissjoni għandha:

(a)

tiżgura li l-livelli limitu ma jiġux stabbiliti f’tali livell li jirrikjedi notifika ta’ pożizzjonijiet li jkunu ta’ valur minimu;

(b)

tieħu kont tal-ammont totali tad-dejn sovran maħruġ pendenti għal kull emittent sovran u d-daqs medju ta’ pożizzjonijiet miżmuma minn parteċipanti fis-suq relatati mad-dejn sovran ta’ dak l-emittent sovran; u

(c)

tieħu kont tal-likwidità ta’ kull suq tal-bonds sovrani.

Artikolu 8

Notifika lill-awtoritajiet kompetenti dwar pożizzjonijiet skoperti fi swaps ta’ inadempjenza ta’ kreditu sovran

Meta awtorità kompetenti tissospendi restrizzjonijiet f’konformita’ mal-Artikolu 14(2), persuna fiżika jew ġuridika li jkollha pożizzjoni mhux koperta fi swap ta’ inadempjenza ta’ kreditu sovran għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti relevanti meta tali pożizzjoni tilħaq jew taqa’ taħt il-livelli limiti relevanti għan-notifika għall-emittent sovran, kif speċifikat skont it-termini tal-Artikolu 7.

Artikolu 9

Metodu ta’ notifika u divulgazzjoni

1.   Kwalunkwe notifika jew divulgazzjoni skont l-Artikoli 5, 6, 7 jew 8 għandu jistabilixxi dettalji tal-identità tal-persuna fiżika jew ġuridika li jkollha l-pożizzjoni rilevanti, id-daqs tal-pożizzjoni rilevanti, l-emittent fir-rigward ta’ liema pożizzjoni rilevanti tkun miżmuma u d-data li fiha tkun inħolqot, inbidlet jew ma baqgħetx tinżamm il-pożizzjoni rilevanti.

Għall-finijiet tal-Artikoli 5, 6, 7 jew 8, il-persuni fiżiċi u ġuridiċi li għandhom pożizzjonijiet bin-nieqes netti sinifikanti għandhom iżommu, għal perijodu ta’ ħames snin, ir-rekords tal-pożizzjonijiet grossi li jagħmlu pożizzjoni bin-nieqes netta sinifikanti.

2.   Il-ħin rilevanti għall-kalkolu ta’ pożizzjoni bin-nieqes netta għandu jkun nofsillejl fi tmiem il-jum ta’ negozju li fih il-persuna fiżika jew ġuridika jkollha l-pożizzjoni rilevanti. Dak il-ħin għandu japplika għat-tranżazzjonijiet kollha irrispettivament mill-mezzi ta’ negozjar użati, inklużi tranżazzjonijiet eżegwiti permezz ta’ negozjar jew manwali jew awtomatizzat, u irrispettivament minn jekk it-tranżazzjonijiet ikunux seħħew matul is-sigħat normali tan-negozjar. In-notifika jew id-divulgazzjoni ma għandhomx isiru aktar tard mit-15:30 fil-jum ta’ negozju li jkun imiss. Il-ħinijiet speċifikati f’dan il-paragrafu għandhom jiġu kkalkulati skont il-ħin fl-Istat Membru tal-awtorità kompetenti rilevanti li lilha trid tiġi nnotifikata l-pożizzjoni rilevanti.

3.   In-notifika ta’ informazzjoni lil awtorità kompetenti rilevanti tiżgura l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni u tinkorpora mekkaniżmi biex jiġi awtentikat is-sors tan-notifika.

4.   Id-divulgazzjoni pubblika ta’ informazzjoni stipulata fl-Artikolu 6 għandha ssir b’mod li tiżgura aċċess mgħaġġel għall-informazzjoni fuq bażi mhux diskriminatorja. Dik l-informazzjoni għandha titqiegħed fuq sit tal-Internet ċentrali operat jew sorveljat mill-awtorità kompetenti rilevanti. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkomunikaw l-indirizz ta’ dak is-sit tal-Internet lill-AETS, li, imbagħad, għandha tpoġġi l-link għas-siti tal-Internet ċentrali bħal dawn fuq is-sit tal-Internet tagħha stess.

5.   Sabiex tiġi żgurata l-armonizzazzjoni konsistenti tal-paragrafu 1, l-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika d-dettalji tal-informazzjoni li għandha tingħata għall-finijiet tal-paragrafu 1.

L-AETS għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2012.

Is-setgħat huma ddelegati lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

6.   Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni tal-paragrafu 4, l-AETS tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni biex tiddetermina l-mezzi li bihom l-informazzjoni tkun tista’ tiġi ddivulgata lill-pubbliku.

L-AETS għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi implimentatorji lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2012.

Is-setgħat huma mogħtija lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 10

Applikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ notifika u divulgazzjoni

Ir-rekwiżiti ta’ notifika u divulgazzjoni skont l-Artikoli 5, 6, 7 u 8 japplikaw għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi kemm jekk domiċiljati jew ikunu stabbiliti fl-Unjoni jew f’pajjiż terz.

Artikolu 11

Informazzjoni li trid tiġi pprovduta lill-AETS

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu informazzjoni f’forma sommarja lill-AETS fuq bażi trimestrali dwar pożizzjonijiet bin-nieqes netti lil għandhom x’jaqsmu mal-kapital azzjonarju maħruġ jew ta’ dejn sovran maħruġ, u pożizzjonijiet skoperti li jkollhom x’jaqsmu ma’ swaps ta’ inadempjenza tal-kreditusovran, li għalihom tkun l-awtorità kompetenti rilevanti u li tirċievi notifiki skont Artikoli 5, 7 u 8.

2.   L-AETS tista’ titlob fi kwalunkwe waqt, sabiex twettaq id-dmirijiet tagħha skont dan ir-Regolament, fi kwalunkwe ħin, informazzjoni addizzjonali minn awtorità kompetenti rilevanti dwar pożizzjonijiet bin-nieqes netti li jkollhom x’jaqsmu mal-kapital azzjonarju maħruġ u ta’ dejn sovran maħruġ, jew pożizzjonijiet skoperti li jkollhom x’jaqsmu ma’ swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu sovran.

L-awtorità kompetenti għandha tipprovdi l-informazzjoni mitluba lill-AETS mhux iżjed tard minn sebat ijiem kalendarji. Fejn ikun hemm inċidenti jew żviluppi avversi li jikkostitwixxu theddida serja għall-istabilità finanzjarja jew għall-fiduċja fis-swieq fl-Istat Membru konċernat jew fi Stat Membru ieħor, l-awtorità kompetenti tipprovdi lill-AETS kull tagħrif disponibbli msejjes fuq ir-rekwiżiti ta’ notifika skont it-termini tal-Artikoli 5, 7 u 8 fi żmien 24 siegħa.

3.   Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw d-dettalji tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta skont il-paragrafi 1 u 2.

L-AETS għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2012.

Is-setgħat huma ddelegati lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

4.   Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi tal-applikazzjoni tal-paragrafu 1, l-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi implimentatorji li jiddefinixxu l-format tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta skont il-paragrafi 1 u 2.

L-AETS għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi implimentatorji lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2012.

Is-setgħat huma mogħtija lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

KAPITOLU III

BEJGĦ BIN-NIEQES SKOPERTI

Artikolu 12

Restrizzjonijiet fuq bejgħ bin-nieqes skoperti ta’ ishma

1.   Persuna fiżika jew ġuridika tista’ tidħol biss f’bejgħa bin-nieqes ta’ sehem ammess għan-negozjar f’ċentru tan-negozjar fejn waħda mill-kondizzjonijiet segwenti tkun ssodisfatta:

(a)

il-persuna fiżika jew ġuridika tkun isselfet is-sehem; jew għamlet dispożizzjonijiet alternattivi li rriżultaw f’effett legali simili;

(b)

il-persuna fiżika jew ġuridika tkun daħlet fi ftehim biex tissellef is-sehem jew ikollha talba oħra assolutament infurzabbli b’kuntratt jew b’liġi dwar il-proprjetà biex tiġi trasferita s-sjieda ta’ għadd korrispondenti ta’ titoli tal-istess klassi sabiex ikun jista’ jiġi affettwat saldu meta jkun dovut; jew

(c)

il-persuna fiżika jew ġuridika jkollha arranġament ma’ parti terza li permezz tiegħu dik il-parti terza tkun ikkonfermat li s-sehem ikun ġie identifikat, u tkun ħadet miżuri vis-à-vis partijiet terzi meħtieġa sabiex il-persuna fiżika jew ġuridika jkollha aspettattivi raġonevolili s-saldu jista’ jiġi effettwat meta dan ikun dovut.

2.   Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi ta’ applikazzjoni tal-paragrafu 1, l-AETS tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni biex jiġu ddeterminati t-tipi ta’ ftehimiet, arranġamenti u miżuri li jiżguraw adegwatement li s-sehem ikun disponibbli għas-saldu. Fid-determinazzjoni ta’ liema miżuri huma neċessarji ħalli jkun hemm stennija raġonevoli li s-saldu jista’ jiġi effettwat meta dovut, l-AETS tqis, inter alia, in-negozjar intraġurnata u l-likwidità tal-ishma.

L-AETS għandha tissottometti l-abbozzi għal dawk l-istandards tekniċi implimentatorji lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2012.

Is-setgħat huma mogħtija lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 13

Restrizzjonijiet fuq bejgħ bin-nieqes skoperti ta’ dejn sovran

1.   Persuna fiżika jew ġuridika tista’ tidħol biss f’bejgħ bin-nieqes ta’ dejn sovran fejn waħda mill-kundizzjonijiet segwenti tkun sodisfatta:

(a)

il-persuna fiżika jew ġuridika tkun isselfet id-dejn sovran; jew għamlet dispożizzjonijiet alternattivi li rriżultaw f’effett legali simili;

(b)

il-persuna fiżika jew ġuridika tkun daħlet fi ftehim biex tissellef dejn sovran jew ikollha talba oħra assolutament infurzata b’kuntratt jew b’liġi dwar il-proprjetà biex tiġi trasferita s-sjieda ta’ għadd korrispondenti ta’ titoli tal-istess klassi sabiex ikun jista’ jsir saldu meta jkun dovut; jew

(c)

il-persuna fiżika jew ġuridika jkollha arranġament ma’ parti terza li permezz tiegħu dik il-parti terza tkun ikkonfermat li d-dejn sovran ikun ġie identifikat jew inkella jkollha aspettattiva raġonevoli li s-saldu jkunu jista’ jsir meta dan ikun dovut.

2.   Ir-restrizzjonijiet fil-paragrafu 1 ma japplikawx jekk it-tranżazzjoni sservi biex tiħħeġġja pożizzjoni twila fl-istrumenti ta’ dejn ta’ emittent, li l-prezz tagħha jkollha korrelazzjoni għolja mal-prezz tad-dejn sovran partikolari.

3.   Fejn il-likwidità tad-dejn sovran taqa’ taħt il-limitu stabbilit skont il-metodoloġija msemmija fil-paragrafu 4, ir-restrizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jiġu temporanjament sospiżi mill-awtorità kompetenti rilevanti. Qabel ma jiġu sospiżi dawk ir-restrizzjonijiet, l-awtorità kompetenti rilevanti għandha tinnotifika lill-AETS u l-awtoritajiet kompetenti oħra bis-sospensjoni proposta.

Sospensjoni għandha tkun valida għal perijodu inizjali ta’ mhux aktar minn sitt xhur mid-data tal-pubblikazzjoni tagħha fis-sit tal-Internet tal-awtorità kompetenti rilevanti. Is-sospensjoni tista’ tiġġedded għal perijodi ta’ mhux aktar minn sitt xhur jekk ir-raġunijiet għas-sospensjoni jibqgħu japplikaw. Jekk is-sospensjoni ma tiġġeddidx sal-aħħar tal-perijodu inizjali jew ta’ kwalunkwe perijodu ta’ tiġdid sussegwenti, din għandha tiskadi awtomatikament.

L-AETS, fi żmien 24 siegħa minnnotifika mill-awtorità kompetenti rilevanti, għandha toħroġ opinjoni bbażata fuq il-paragrafu 4 dwar s-sospensjoni nnotifikata jew tiġdid ta’ sospensjoni. L-opinjoni għandha tiġi ppubblikata fuq is-sit tal-Internet tal-AETS.

4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 42 u tispeċifika l-parametri u l-metodi biex jiġi kkalkolat il-limitu ta’ likwidità msemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu fir-rigward tad-dejn sovran maħruġ.

Il-parametri u l-metodi biex l-Istati Membri jikkalkulaw il-limitu għandhom jiġu stabbiliti b’tali mod li meta jintlaħaq, dan jirrappreżenta tnaqqis sinifikanti meta mqabbel mal-livell medju tal-likwidità għad-dejn sovran ikkonċernat.

Il-limitu għandu jiġi definit abbażi ta’ kriterji oġġettivi speċifiċi għas-suq tad-dejn sovran rilevanti, inkluż l-ammont totali ta’ dejn sovran maħruġ pendenti għal kull emittent sovran.

5.   Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi ta’ applikazzjoni tal-paragrafu 1, l-AETS tista’ tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni biex jiġu ddeterminati t-tipi ta’ ftehimiet jew arranġamenti li jiżguraw adegwatement li l-istrument ta’ dejn sovran ser ikun disponibbli għas-saldu. L-AETS għandha, b’mod partikolari, tqis il-bżonn li tiġi ppreservata l-likwidità tas-swieq, speċjalment is-s-swieq tal-bonds sovrani u tar-riakkwist tal-bonds sovrani

L-AETS għandha tippreżenta dan l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2012.

Is-setgħat huma mogħtija lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 14

Restrizzjonijiet fuq swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu sovran

1.   Persuna fiżika jew ġuridika tista’ tidħol fi tranżazzjonijiet ta’ swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu sovran biss meta dik it-tranżazzjoni ma twassalx għal pożizzjoni skoperta fi swap ta’ inadempjenza tal-kreditu sovran kif imsemmi fl-Artikolu 4.

2.   Awtorità kompetent tista’ tissospendi temporanjament ir-restrizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, meta għandha raġunijiet oġġettivi biex temmen lis-suq tagħha ta’ dejn sovran ma jkunx qed jiffunzjona b’mod korrett u li r-restrizzjonijiet jistgħu jkollhom impatt negattiv fuq is-suq tas-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu sovran, billi tiżdied l-ispiża tas-self għall-emittenti sovrani jew tiġi effettwata l-kapaċità tagħhom li joħorġu dejn ġdid. Dawn ir-raġunijiet għandhom ikunu bbażati fuq l-indikaturi li ġejjin:

(a)

rata ta’ mgħax għolja jew tiżdied fuq id-dejn sovran;

(b)

twessigħ ta’ varjazzjonijiet fir-rati ta’ mgħax fuq id-dejn sovran b’paragun mad-dejn sovran ta’ emittenti sovrani oħra;

(c)

twessigħ tal-varjazzjonijiet tas-swap ta’ inadempjenza tal-kreditu sovran b’paragun mal-kurva proprja u b’paragun ma’ emittenti sovrani oħra;

(d)

iż-żmien opportun tar-ritorn tal-prezz tad-dejn sovran lejn l-ekwilibriju oriġinali wara trattativa kummerċjali fuq skala kbira;

(e)

ammonti ta’ dejn sovran li jistgħu jiġu nnegozjati.

L-awtorità kompetenti tista’ tuża ukoll indikaturi oħra li mhumiex dawk stabbiliti fil-punti (a) sa (e) tal-ewwel subparagrafu.

Qabel ma tissospendi ir-restrizzjonijiet taħt dan l-Artikolu, l-awtorità kompetenti rilevanti għandha tinnotifika lill-AETS u awtoritajiet kompetenti oħra bis-sospensjoni proposta u r-raġunijiet li fuqha hija bbażata.

Is-sospensjoni għandha tkun valida għal perijodu inizjali ta’ mhux aktar minn 12-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni tagħha fis-sit tal-Internet tal-awtorità kompetenti rilevanti. Is-sospensjoni tista’ tiġġedded għal perijodi ta’ mhux aktar minn sitt xhur kull darba jekk ir-raġunijiet għas-sospensjoni jibqgħu japplikaw. Jekk is-sospensjoni ma tiġġeddidx sal-aħħar tal-perijodu inizjali jew wara kwalunkwe perijodu ta’ tiġdid sussegwenti, din għandha tiskadi awtomatikament.

L-AETS, fi żmien 24 siegħa minn notifika mill-awtorità kompetenti rilevanti, għandha toħroġ opinjoni dwar is-sospensjoni intenzjonata jew it-tiġdid ta’ dik is-sospensjoni, irrispettivament mill-fatt jekk l-awtorità kompetenti tkunx ibbażat is-sospensjoni fuq l-indikaturi stabbiliti fil-punti (a) sa (e) tal-ewwel subparagrafu jew fuq indikaturi oħra. Meta s-sospensjoni intenzjonata jew it-tiġdid tas-sospensjoni hija bbażata fuq it-tieni subparagrafu, dik l-opinjoni għandha tinkludi wkoll valutazzjoni tal-indikaturi użati mill-awtorità kompetenti. L-opinjoni għandha tiġi ppubblikata fuq is-sit tal-Internet tal-AETS.

Artikolu 15

Proċeduri ta’ xiri sfurzat

1.   Kontroparti ċentrali fi Stat Membru li tipprovdi servizzi tal-ikklerjar (clearing) għall-ishma għandha tiżgura li jkunu fis-seħħ proċeduri li jikkonformaw mar-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(a)

meta persuna fiżika jew ġuridika li tbigħ ishma ma tkunx tista’ tikkonsenja l-ishma għas-saldu fi żmien erbat ijiem ta’ negozju mill-jum li fih ikun dovut is-saldu, jiskattaw awtomatikament proċeduri għax-xiri sfurzat tal-ishma sabiex jiżguraw il-konsenja għas-saldu;

(b)

fejn ix-xiri sfurzat tal-ishma għall-konsenja ma jkunx possibbli, jitħallas ammont lix-xerrej abbażi tal-valur tal-ishma li jrid jiġi kkonsenjat fid-data tal-konsenja flimkien ma’ ammont għal telf imġarrab mix-xerrej bħala riżultat tal-falliment tas-saldu; u

(c)

il-persuna fiżika jew ġuridika li tonqos milli ssalda għandha tirrimborsal-ammonti kollha mħallsa kollha skont il-punti (a) u (b).

2.   Kontroparti ċentrali fi Stat Membru li tipprovdi servizzi tal-ikklerjar (clearing) għall-ishma għandha tiżgura li jkunu fis-seħħ proċeduri li jiżguraw li meta persuna fiżika jew ġuridika li tbigħ ishma tonqos milli tikkonsenja l-ishma għas-saldu sad-data li fiha jkun dovut is-saldu, din il-persuna jkollha tagħmel pagamenti kuljum għal kull jum li s-saldu jibqa’ ma jseħħx.

Il-pagamenti ta’ kuljum għandhom ikunu biżżejjed għoljin sabiex ikun ta’ deterrent għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jonqsu li jsaldaw.

KAPITOLU IV

EŻENZJONIJIET

Artikolu 16

Eżenzjoni fejn iċ-ċentru tan-negozjar prinċipali jkun f’pajjiż terz

1.   L-Artikoli 5, 6, 12 u 15 ma għandhomx japplikaw għal ishma ta’ kumpanija ammessi għan-negozjar f’ċentru tan-negozjar fl-Unjoni fejn iċ-ċentru tan-negozjar prinċipali tal-ishma jkun jinstab f’f’pajjiż terz.

2.   L-awtorità kompetenti rilevanti għandha tiddetermina, għal ishma ta’ kumpanija li jkunu nnegozjati f’ċentru tan-negozjar fl-Unjoni u ċentru f’pajjiż terz, għall-inqas kull sentejn, jekk iċ-ċentru prinċipali għan-negozjar ta’ dawk l-ishma jkunx f’pajjiż terz.

L-awtorità kompetenti rilevanti għandha tinnotifika lill-AETS bi kwalunkwe tali ishma identifikati li jkollhom is-suq prinċipali ta’ negozjar tagħhom f’pajjiż terz.

Kull sentejn l-AETS għandha tippubblika l-lista ta’ ishma li għalihom iċ-ċentru prinċipali ta’ negozjar jinstab f’pajjiż terz. Il-lista għandha tkun effettiva għal perijodu ta’ sentejn.

3.   Sabiex tiżgura l-armonizzazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji biex jiġi speċifikat il-metodu biex jiġi ddeterminat iċ-ċentru prinċipali għan-negozjar ta’ sehem.

L-AETS għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2012.

Is-setgħa hija ddelegata lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

4.   Sabiex tiżgura l-uniformità fil-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2, l-AETS tista’ tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni biex jiġu speċifikati:

(a)

id-data li fiha u l-perijodu li fir-rigward tiegħu għandu jsir kwalunkwe kalkolu li jiddetermina ċ-ċentru prinċipali ta’ negozjar għal sehem;

(b)

id-data sa meta l-awtorità rilevanti għandha tinnotifika lill-AETS b’dawn l-ishma li għalihom iċ-ċentru prinċipali ta’ negozjar ikun f’pajjiż terz;

(c)

id-data li minna l-lista għandha tkun effettiva wara l-pubblikazzjoni mill-AETS.

L-AETS għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi implimentatorji lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2012.

Is-setgħa hija mogħtija lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 17

Eżenzjoni għall-attivitajiet ta’ ġenerazzjoni tas-suq u operazzjonijiet tas-suq primarju

1.   L-Artikoli 5, 6, 7, 12, 13 u 14 ma għandhomx japplikaw għat-tranżazzjonijiet imwettqa minħabba l-attivitajiet ta’ ġenerazzjoni tas-suq.

2.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjonijiet skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 44(2), biex tiddetermina li l-qafas legali u superviżorju ta’ pajjiż terz jiżgura li suq awtorizzat f’dak il-pajjiż terz jikkonforma ma’ rekwiżiti vinkolanti li jkunu, għall-fini tal-applikazzjoni tal-eżenzjoni skont il-paragrafu 1, ekwivalenti għar-rekwiżiti skont it-Titolu III tad-Direttiva 2004/39/KE, skont id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq) (13) u mid-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat (14), u li jkunu suġġetti għal superviżjoni u infurzar effikaċi f’dak il-pajjiż terz.

Il-qafas legali u superviżorju ta’ pajjiż terz jista’ jitqies ekwivalenti meta f’dak il-pajjiż terz:

(a)

is-swieq ikunu suġġetti għall-awtorizzazzjoni u għas-superviżjoni u infurzar effikaċi fuq bażi kontinwa;

(b)

is-swieq ikollhom regoli ċari u trasparenti fir-rigward ta’ ammissjoni ta’ titoli għan-negozjar sabiex dawn it-titoli jkunu kapaċi li jiġu nnegozjati b’mod ġust, ordinat u effiċjenti, u jkunu negozjabbli liberament;

(c)

l-emittenti ta’ titoli jkunu suġġetti għal rekwiżiti ta’ informazzjoni perjodika u kontinwa sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni għall-investitur; u

(d)

it-trasparenza u l-integrità fis-suq huma żgurati billi ssir prevenzjoni tal-abbuż tas-suq fil-forma insider dealing u manipulazzjoni tas-suq.

3.   L-Artikoli 7, 13 u 14 ma għandhomx japplikaw għal persuna fiżika jew ġuridika meta, fejn tkun qed taġixxi bħala negozjant primarju awtorizzat skont ftehim ma’ emittent ta’ dejn sovran, tkun qed tinnegozja bħala prinċipal fi strument finanzjarju inkonnessjoni ma’ operazzjonijiet tas-suq primarju jew sekondarju relatati mad-dejn sovran.

4.   L-Artikoli 5, 6, 12, 13 u 14 ta’ dan ir-Regolament ma għandhomx japplikaw għal persuna fiżika jew ġuridika meta tidħol f’bejgħa bin-nieqes ta’ titolu jew ikolla pożizzjoni bin-nieqes netta relatata mat-twettiq ta’ stabilizzazzjoni skont il-Kapitolu III tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2273/2003 tat-22 ta’ Diċembru 2003 li jimplimenta d-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-eżenzjonijiet għall-programmi tax-xiri lura u l-istabbilizzazzjoni tal-istrumenti finanzjarji (15).

5.   L-eżenzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tapplika biss fejn il-persuna fiżika jew ġuridika konċernata tkun l-ewwel innotifikat bil-miktub lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tagħha, li jkollha l-intenzjoni li tagħmel użu mill-eżenzjoni. In-notifika għandha ssir mhux iżjed tard minn 30 jum kalendarju qabel ma l-persuna fiżika jew ġuridika jkollha l-ewwel intenzjoni li tuża l-eżenzjoni.

6.   L-eżenzjoni msemmija fil-paragrafu 3 għandha tapplika biss fejn in-negozjant primarju awtorizzat ikun l-ewwel innotifika bil-miktub lill-awtorità kompetenti rilevanti rigward id-debitu sovran ikkonċernat, li biħsiebu jagħmel użu mill-eżenzjoni. In-notifika għandha ssir mhux iżjed tard minn 30 jum kalendarju qabel ma l-persuna fiżika jew ġuridika li taġixxi bħala negozjant primarju jkollha l-ewwel ħsieb li tuża l-eżenzjoni.

7.   L-awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafi 5 u 6 tista’ tipprojbixxi l-użu tal-eżenzjoni jekk tqis li l-persuna fiżika jew ġuridika ma tissodisfax il-kundizzjonijiet tal-eżenzjoni. Kwalunkwe projbizzjoni għandha tiġi imposta fi żmien it-30 jum kalendarju msemmi fil-paragrafi 5 u 6 jew sussegwentement jekk l-awtorità kompetenti ssir konxja li kien hemm bidliet fiċ-ċirkostanzi tal-persuna fiżika jew ġuridika b’mod li ma tibqax tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-eżenzjoni.

8.   Entità ta’ pajjiż terz li ma tkunx awtorizzata fl-Unjoni għandha tibgħat in-notifika msemmija fil-paragrafi 5 u 6 lill-awtorità kompetenti taċ-ċentru prinċipali tan-negozjar fl-Unjoni li fih tinnegozja.

9.   Persuna fiżika jew ġuridika li tkun tat notifika skont il-paragrafu 5 għandha mill-aktar fis possibbli tinnotifika bil-miktub lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tagħha fejn ikun hemm xi bidliet li jaffettwaw l-eliġibilità ta’ dik il-persuna li tuża l-eżenzjoni, jew jekk ma għadhiex tixtieq tagħmel użu mill-eżenzjoni.

10.   Persuna fiżika jew ġuridika li tkun tat notifika skont il-paragrafu 6 għandha tinnotifika bil-miktub lill-awtorità kompetenti rilevanti mill-aktar fis possibbli rigward id-debitu sovran ikkonċernat fejn ikun hemm xi bidliet li jaffettwaw l-eliġibilità ta’ dik il-persuna li tuża l-eżenzjoni, jew jekk ma għadhiex tixtieq tagħmel użu mill-eżenzjoni.

11.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tista’ titlob informazzjoni, bil-miktub, minn persuna fiżika jew ġuridika li tkun qed topera taħt l-eżenzjonijiet stipulati fil-paragrafi 1, 3 jew 4 dwar il-pussess ta’ pożizzjonijiet bin-nieqes jew attivitajiet imwettqa skont l-eżenzjoni. Il-persuna fiżika jew ġuridika għandha tipprovdi l-informazzjoni mhux aktar tard minn erbat ijiem kalendarji wara li tkun saret it-talba.

12.   Awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-AETS fi żmien ġimagħtejn min-notifika skont il-paragrafu 5 jew 9 bi kwalunkwe ġeneratur tas-suq u b’konformità mal-paragrafu 6 jew 10 bi kwalunkwe negozjant primarju awtorizzat li jkun qed jagħmel użu mill-eżenzjoni u bi kwalunkwe ġeneratur tas-suq u negozjant primarju awtorizzat li ma baqgħux jagħmlu użu mill-eżenzjoni.

13.   L-AETS għandha tippubblika u taġġorna fuq is-sit tal-Internet tagħha lista ta’ ġeneraturi tas-suq u negozjanti primarji awtorizzati li jkunu qed jużaw l-eżenzjoni u għandha żżomm is-sit tal-Internet imsemmi aġġornat.

14.   Notifika taħt dan l-Artikolu tista’ ssir minn persuna lil awtorità kompetenti u minn awtorità kompetenti lill-AETS fi kwalunkwe ħin fi żmien 60 jum kalendarju qabel l-1 ta’ Novembru 2012.

KAPITOLU V

SETGĦAT TA’ INTERVENT TAL-AWTORITAJIET KOMPETENTI U TAL-AETS

TAQSIMA 1

Setgħat tal-awtoritajiet kompetenti

Artikolu 18

Notifika u divulgazzjoni f’ċirkostanzi eċċezzjonali

1.   Suġġetta għall-Artikolu 22, awtorità kompetenti tista’ teħtieġ lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jkollhom pożizzjonijiet bin-nieqes netti fir-rigward ta’ strument finanzjarju speċifiku jew klassi ta’ strumenti finanzjarji jinnotifikawha jew jiddivulgaw lill-pubbliku dettalji tal-pożizzjoni meta l-pożizzjoni tilħaq jew taqa’ taħt livell limitu ta’ notifika ffissat mill-awtorità kompetenti u fejn:

(a)

ikun hemm avvenimenti jew żviluppi avversi li jikkostitwixxu theddida serja għall-istabbiltà finanzjarja jew għall-fiduċja fis-suq fl-Istat Membru kkonċernat jew fi Stat Membru ieħor jew aktar; u

(b)

il-miżura tkun neċessarja sabiex tiġi indirizzata t-theddida u ma jkollhiex effett ta’ ħsara fuq l-effiċjenza tas-swieq finanzjarji li tkun sproporzjonata għall-benefiċċji tagħha.

2.   Il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma għandux japplika għal strumenti finanzjarji li fir-rigward tagħhom it-trasparenza tkun diġà meħtieġa skont l-Artikoli 5 sa 8. Miżura skont il-paragrafu 1 tista’ tapplika f’ċirkostanzi jew tkun suġġetta għal eċċezzjonijiet speċifikati mill-awtorità kompetenti. Eċċezzjonijiet jistgħu partikolarment ikunu speċifikati biex japplikaw għall-attivitajiet tal-ġenerazzjoni tas-suq u l-attivitajiet tas-suq primarju.

Artikolu 19

Notifika minn selliefa f’ċirkostanzi eċċezzjonali

1.   Suġġetta għall-Artikolu 22, awtorità kompetenti tista’ tieħu l-miżura msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, fejn:

(a)

ikun hemm avvenimenti jew żviluppi avversi li jikkostitwixxu theddida serja għall-istabilità finanzjarja jew għall-fiduċja fis-suq fl-Istat Membru kkonċernat jew fi Stat Membru ieħor jew aktar; u

(b)

il-miżura tkun neċessarja sabiex tiġi indirizzata t-theddida u ma jkollhiex effett ta’ ħsara fuq l-effiċjenza tas-swieq finanzjarji li tkun sproporzjonata għall-benefiċċji tagħha.

2.   Awtorità kompetenti tista’ teħtieġ lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi impenjati f’self ta’ strument finanzjarju speċifiku jew klassi ta’ strumenti finanzjarji jinnotifikawha dwar kwalunkwe tibdil sinifikanti fil-miżati mitluba għal tali self.

Artikolu 20

Restrizzjonijiet dwar bejgħ bin-nieqes u tranżazzjonijiet simili f’ċirkostanzi eċċezzjonali

1.   Suġġetta għall-Artikolu 22, awtorità kompetenti tista’ tieħu waħda mill-miżuri jew aktar imsemmija fil-paragrafi 2 ta’ dan l-Artikolu, fejn:

(a)

ikun hemm avvenimenti jew żviluppi avversi li jikkostitwixxu theddida serja għall-istabbiltà finanzjarja jew għall-fiduċja fis-suq fl-Istat Membru jew fi Stat Membru ieħor jew aktar; u

(b)

il-miżura tkun neċessarja sabiex tiġi indirizzata t-theddida u ma jkollhiex effett ta’ ħsara fuq l-effiċjenza tas-swieq finanzjarji li tkun sproporzjonata għall-benefiċċji tagħha.

2.   Awtorità kompetenti tista’ tipprojbixxi jew timponi kundizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi li qed jidħlu għal:

(a)

bejgħa bin-nieqes; jew

(b)

tranżazzjoni għajr bejgħa bin-nieqes li toħloq, jew relatata ma’ strument finanzjarju ieħor u l-effett jew wieħed mill-effetti ta’ dik it-tranżazzjoni jkun li jagħti vantaġġ finanzjarju lill-persuna fiżika jew ġuridika fil-każ ta’ tnaqqis fil-prezz jew il-valur ta’ strument finanzjarju.

3.   Miżura meħuda skont il-paragrafu 2 tista’ tapplika għal tranżazzjonijiet li jikkonċernaw l-istrumenti finanzjarji kollha, strumenti finanzjarji ta’ klassi speċifika jew strument finanzjarju speċifiku. Il-miżura tista’ tapplika f’ċirkostanzi jew tkun suġġetta għal eċċezzjonijiet speċifikati mill-awtorità kompetenti. Eċċezzjonijiet jistgħu partikolarment ikunu speċifikati biex japplikaw għall-attivitajiet tal-ġenerazzjoni tas-suq u l-attivitajiet tas-suq primarju.

Artikolu 21

Restrizzjonijiet fuq tranżazzjonijiet ta’ swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu sovran f’ċirkostanzi eċċezzjonali

1.   Suġġetta għall-Artikolu 22, awtorità kompetenti tista’ tillimita l-kapaċita ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi milli jidħlu fi tranżazzjonijiet sovrani ta’ swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu jew tista’ tillimita l-valur ta’ pożizzjonijiet sovrani skoperti ta’ swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu li dawk il-persuni huma permessi jidħlu fihom fejn:

(a)

ikun hemm avvenimenti jew żviluppi avversi li jikkostitwixxu theddida serja għall-istabbiltà finanzjarja jew għall-fiduċja fis-suq fl-Istat Membru kkonċernat jew fi Stat Membru ieħor jew aktar; u

(b)

il-miżura tkun neċessarja sabiex tiġi indirizzata t-theddida u ma jkollhiex effett ta’ ħsara fuq l-effiċjenza tas-swieq finanzjarji li tkun sproporzjonata għall-benefiċċji tagħha.

2.   Miżura meħuda skont il-paragrafu 1 tista’ tapplika għal tranżazzjonijiet sovrani ta’ swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu ta’ klassi speċifika jew għal tranżazzjonijiet sovrani speċifiċi ta’ swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu. Il-miżura tista’ tapplika f’ċirkostanzi jew tkun suġġetta għal eċċezzjonijiet speċifikati mill-awtorità kompetenti. Eċċezzjonijiet jistgħu partikolarment ikunu speċifikati biex japplikaw għall-attivitajiet tal-ġenerazzjoni tas-suq u l-attivitajiet tas-suq primarju.

Artikolu 22

Miżuri minn awtoritajiet oħra kompetenti

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 26, awtorità kompetenti rigward strument finanzjarju, li għalih ma hix l-awtorità kompetenti rilevanti, ma tistax timponi jew iġġedded miżura skont l-Artikolu 18, 19, 20 jew 21 ħlief bil-kunsens tal-awtorità kompetenti rilevanti.

Artikolu 23

Setgħa li tirrestrinġi il-bejgħ bin-nieqes ta’ strumenti finanzjarji temporanjament fil-każ ta’ waqgħa sinifikanti fil-prezz

1.   Fejn il-prezz ta’ strument finanzjarju dwar iċ-ċentru tan-negozjar ikun waqa’ b’mod sinifikanti matul jum wieħed ta’ negozjar b’relazzjoni mal-prezz tal-għeluq imsemmi f’dak iċ-ċentru fil-jum preċedenti ta’ negozju, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju għal dak iċ-ċentru għandha tqis jekk ikunx xieraq li tipprojbixxi jew tirrestrinġi persuni fiżiċi jew ġuridiċi milli jidħlu f’bejgħ bin-nieqes tal-istrumenti finanzjarji f’dak iċ-ċentru tan-negozjar jew inkella jillimitaw it-tranżazzjonijiet f’dak l-istrument finanzjarju f’dak iċ-ċentru tan-negozjar sabiex jiġi pprevenut tnaqqis diżordinat fil-prezz tal-istrument finanzjarju.

Fejn l-awtorità kompetenti tkun sodisfatta skont l-ewwel subparagrafu li jkun xieraq li tagħmel hekk, hi għandha, fil-każ ta’ sehem jew strument ta’ dejn tipprojbixxi jew tirrestrinġi persuni fiżiċi jew ġuridiċi milli jidħlu f’bejgħa bin-nieqes f’dak iċ-ċentru tan-negozjar jew, fil-każ ta’ tip ieħor ta’ strumenti finanzjarji, jillimitaw it-tranżazzjonijiet f’dak l-istrument finanzjarju f’dak iċ-ċentru tan-negozjar sabiex ikun hemm prevenżjoni ta’ tnaqqis diżordinat fil-prezz tal-istrumenti finanzjarji.

2.   Il-miżura skont il-paragrafu 1 għandha tapplika għal perijodu li ma jaqbiżx it-tmiem tal-jum ta’ negozjar wara l-jum ta’ negozjar li fih isseħħ il-waqgħa fil-prezz. Jekk fi tmiem tal-jum ta’ negozjar wara l-jum ta’ negozjar li fih isseħħ il-waqgħa fil-prezz. ikun hemm, minkejja l-miżura li qed tiġi imposta, waqgħa sinifikattiva oħra fil-valur, tal-inqas, ta’ nofs l-ammont speċifikat fil-paragrafu 5 tal-istrument finanzjarju mill-prezz tal-għeluq tal-ewwel jum ta’ negozju, l-awtorità kompetenti tista’ testendi l-miżura għal perijodu ulterhuri li ma jaqbiżx jumejn ta’ negozjar wara t-tmiem tat-tieni jum ta’ negozju.

3.   Il-miżura taħt il-paragrafu 1 għandha tapplika f’ċirkostanzi jew tkun suġġetta għal eċċezzjonijiet speċifikati mill-awtorità kompetenti. Eċċezzjonijiet jistgħu partikolarment ikunu speċifikati biex japplikaw għall-attivitajiet tal-ġenerazzjoni tas-suq u l-attivitajiet tas-suq primarju.

4.   Awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju ta’ ċentru fejn strument finanzjarju jkun niżel waqt jum wieħed ta’ negozjar bil-valur imsemmi fil-paragrafu 5 għandha tinnotifika lill-AETS dwar id-deċiżjoni meħuda skont il-paragrafu 1 l-aktar tard sagħtejn wara t-tmiem tal-jum ta’ negozjar. L-AETS għandha immedjatament tinforma lill-awtoritajiet kompetenti dwar l-Istati Membri ta’ domiċilju li jinnegozjaw l-istess strument finanzjarju.

Jekk awtorità kompetenti ma tkunx taqbel ma’ azzjoni meħuda minn awtorità kompetenti oħra dwar strument finanzjarju negozjat f’ċentri differenti regolati minn atoritajiet kompetenti differenti, l-AETS tista’ tassisti lil dawk l-awtoritajiet biex jilħqu ftehim bi qbil mal-Artikolu 19 ta’ Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Il-konċiljazzjoni għandha tiġi kkompletata qabel nofsillejl fi tmiem tal-istess jum ta’ negozjar. Jekk l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati ma jirnexxilhomx jilħqu ftehim fi żmien il-fażi ta’ konċiljazzjoni, l-AETS tista’ tieħu deċiżjoni b’konformità mal-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010. Id-deċiżjoni għandha tittieħed qabel il-ftuħ tal-jum ta’ negozjar li jmiss.

5.   Il-waqgħa fil-valur għandha tkun ta’ 10 % jew aktar fil-każ ta’ sehem likwidu, kif definit fl-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 1287/2006, u għall-ishma mhux likwidi u għall-klassijiet l-oħra tal-istrumenti finanzjarji tkun ta’ ammont speċifikat mill-Kummissjoni.

6.   L-AETS tista’ toħroġ u tibgħat lill-Kummissjoni opinjoni dwar l-aġġustament tal-limiti minimi msemmija fil-paragrafu 5, filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi fis-swieq finanzjarji.

Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 42 biex timmodifika l-limiti minimi msemmija fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, filwaqt li tqis l-iżviluppi fis-swieq finanzjarji.

7.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 42 u tispeċifika dak li jikkostitwixxi waqgħa sinifikattiva fil-valur għall-istrumenti finanzjarji għajr ishma likwidi, filwaqt li tqis l-ispeċifiċitajiet ta’ kull klassi ta’ strumenti finanzjarji u d-differenzi fil-volatilità.

8.   Sabiex tkun żgurata l-armonizzazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika l-metodu ta’ kalkolu tal-waqgħa ta’ 10 % għall-ishma likwidi u tal-waqgħa fil-valur speċifikat mill-Kummissjoni kif imsemmi fil-paragrafu 7.

L-AETS għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2012.

Is-setgħa hija ddelegata lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 24

Perijodu ta’ restrizzjonijiet

Kwalunkwe miżura imposta skont l-Artikoli 18, 19, 20 jew 21 għandha tkun valida għal perijodu inizjali ta’ mhux aktar minn tliet xhur mid-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż skont l-Artikolu 25.

Il-miżura tista’ tiġġedded għal aktar perijodi ta’ mhux aktar minn tliet xhur kull darba jekk ir-raġunijiet għat-teħid tal-miżura jkomplu japplikaw. Jekk il-miżura ma tiġġeddidx sal-aħħar ta’ tali perijodu ta’ tliet xhur, din għandha tiskadi awtomatikament.

Artikolu 25

Avviż ta’ restrizzjonijiet

1.   Awtorità kompetenti għandha tippubblika fuq is-sit tal-Internet tagħha avviż ta’ kwalunkwe deċiżjoni li timponi jew iġġedded kwalunkwe miżura msemmija fl-Artikoli 18 sa 23.

2.   L-avviż għandu jispeċifika tal-anqas id-dettalji ta’:

(a)

il-miżuri imposti inkluż l-istrumenti u l-klassijiet ta’ tranżazzjonijiet li għalihom japplikaw u d-durata tagħhom;

(b)

tar-raġunijiet għaliex l-awtorità kompetenti taħseb li jkun meħtieġ li jiġu imposti l-miżuri inkluża l-evidenza li tappoġġja dawk ir-raġunijiet.

3.   Miżura meħuda skont l-Artikoli 18 sa 23 għandha tidħol fis-seħħ meta l-avviż jiġi ppubblikat jew f’ħin speċifikat fl-avviż jiġifieri wara l-pubblikazzjoni tiegħu u għandha tapplika biss fir-rigward ta’ tranżazzjoni li titwettaq wara li l-miżura tkun daħlet fis-seħħ.

Artikolu 26

Notifika lill-AETS u lil awtoritajiet kompetenti oħra

1.   Qabel ma timponi jew iġġedded kwalunkwe miżura skont l-Artikolu 18, 19, 20 jew 21 u qabel ma timponi kwalunkwe restrizzjoni skont l-Artikolu 23, awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-AETS jew lil awtoritajiet kompetenti oħra bil-miżuri li tipproponi.

2.   In-notifika għandha tinkludi dettalji tal-miżuri proposti, il-klassijiet ta’ strumenti finanzjarji u t-tranżazzjonijiet li għalihom ser japplikaw, l-evidenza li tappoġġja r-raġunijiet għal dawk il-miżuri u meta jkun intenzjonat li l-miżuri jidħlu fis-seħħ.

3.   In-notifika ta’ proposa biex tiġi imposta jew imġedda miżura skont l-Artikolu 18, 19, 20 jew 21 għandha ssir mhux inqas minn 24 siegħa qabel ma jkun intenzjonat li l-miżura tidħol fis-seħħ jew tiġġedded. F’ċirkostanzi eċċezzjonali, awtorità kompetenti tista’ tagħmel in-notifika inqas minn 24 siegħa qabel ma jkun intenzjonat li l-miżura tidħol fis-seħħ fejn ma jkunx possibbli li jingħata avviż ta’ 24 siegħa. Notifika ta’ restrizzjoni skont l-Artikolu 23 għandha ssir qabel meta jkun intenzjonat li l-miżura tidħol fis-seħħ.

4.   Awtorità kompetenti li tirċievi notifika skont dan l-Artikolu tista’ tieħu miżuri skont l-Artikoli 18 sa 23 f’dak l-Istat Membru meta tkun sodisfatta li l-miżura tkun meħtieġa sabiex tgħin lill-awtorità kompetenti li tagħmel in-notifika. L-awtorità kompetenti li tirċievi n-notifika għandha tagħti wkoll notifika skont il-paragrafi 1 sa 3 fejn hi tkun qed tipproponi li jittieħdu l-miżuri.

TAQSIMA 2

Setgħat tal-AETS

Artikolu 27

Koordinazzjoni mill-AETS

1.   L-AETS għandha teżerċita rwol ta’ faċilitazzjoni u koordinazzjoni b’rabta mal-miżuri meħuda mill-awtoritajiet kompetenti skont it-Taqsima 1. B’mod partikolari l-AETS għandha tiżgura li jittieħed approċċ konsistenti mill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-miżuri meħuda speċjalment dwar meta jkun meħtieġ li jintużaw setgħat ta’ intervent, in-natura ta’ kwalunkwe miżura imposta u l-bidu u t-tul ta’ tali miżura.

2.   Wara li tirċievi notifika skont l-Artikolu 26 dwar kwalunkwe miżura li għandha tiġi imposta jew imġedda skont l-Artikolu 18, 19, 20 jew 21, l-AETS għandha fi żmien 24 siegħa toħroġ opinjoni dwar jekk tqisx li l-miżura jew il-miżura proposta tkunx meħtieġa biex jiġu indirizzati ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali. L-opinjoni għandha tiddikjara jekk l-AETS tikkunsidrax li jkunu seħħew episodji avversi, jew ikunu nħolqu żviluppi li jikkostitwixxu theddida serja għall-istabbiltà finanzjarja jew għall-fiduċja fis-suq fi Stat Membru wieħed jew aktar, jekk il-miżura jew il-miżura proposta tkunx xierqa u proporzjonata sabiex tiġi indirizzata t-theddida u jekk id-durata proposta ta’ kwalunkwe miżura bħal din tkunx ġustifikata. Jekk tqis li t-teħid ta’ kwalunkwe miżura minn awtoritajiet kompetenti oħra tkun meħtieġa biex tiġi indirizzata t-theddida, l-AETS għandha wkoll tiddikjara dan fl-opinjoni tagħha. L-opinjoni għandha tiġi ppubblikata fuq is-sit tal-Internet tal-AETS.

3.   Fejn tipproponi li tieħu jew tieħu miżuri kontrarji għal opinjoni tal-AETS imsemmija fil-paragrafu 2 jew tonqos milli tieħu miżuri kontra opinjoni tal-AETS skont dak il-paragrafu, awtorità kompetenti għandha tippubblika fuq is-sit tal-Internet tagħha fi żmien 24 siegħa li tirċievi l-opinjoni tal-AETS avviż li jispjega fid-dettal ir-raġunijiet tagħha għal dan. Fejn tirriżulta sitwazzjoni bħal din l-AETS għandha tikkunsidra jekk il-kundizzjonijiet humiex sodisfatti u jekk dan huwiex każ xieraq għall-użu tas-setgħat tagħha ta’ intervent skont l-Artikolu 28.

4.   L-AETS għandha teżamina l-miżuri skont dan l-Artikolu regolarment u fi kwalunkwe każ mill-inqas kull tliet xhur. Jekk miżura ma tiġġeddidx sal-aħħar ta’ tali perijodu ta’ tliet xhur, din għandha awtomatikament tiskadi.

Artikolu 28

Setgħat ta’ intervent tal-AETS f’ċirkostanzi eċċezzjonali

1.   Skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, l-AETS għandha, suġġetta għall-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, jew:

(a)

tirrikjedi li persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jkollhom pożizzjonijiet bin-nieqes netti fir-rigward ta’ strument finanzjarju speċifiku jew klassi ta’ strumenti finanzjarji jinnotifikaw awtorità kompetenti jew jiddivulgaw lill-pubbliku d-dettalji ta’ kwalunkwe tali pożizzjoni; jew

(b)

tipprojbixxi jew timponi kundizzjonijiet fuq id-dħul minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi f’bejgħa bin-nieqes jew tranżazzjoni li toħloq, jew tirrelata ma’, strument finanzjarju għajr l-istrumenti finanzjarji msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 1(1) fejn l-effet jew wieħed mill-effetti tat-tranżazzjoni jkun li jagħti vantaġġ finanzjarju lill-persuna fiżika jew ġuridika fil-każ ta’ tnaqqis fil-prezz jew il-valur ta’ strument finanzjarju ieħor.

Miżura tista’ tapplika f’ċirkostanzi partikolari, jew tkun suġġetta għal eċċezzjonijiet, speċifikati mill-AETS. Eċċezzjonijiet jistgħu partikolarment ikunu speċifikati biex japplikaw għall-attivitajiet tal-ġenerazzjoni tas-suq u l-attivitajiet tas-suq primarju.

2.   L-AETS għandha tieħu biss deċiżjoni skont il-paragrafu 1 biss jekk:

(a)

il-miżuri elenkati fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 jindirizzaw theddida għall-funzjonament ordinat u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha jew parti minnha fl-Unjoni u jkun hemm implikazzjonijiet transfruntieri; u

(b)

l-ebda awtorità kompetenti ma tkun ħadet miżuri biex jindirizzaw it-theddida jew awtorità kompetenti waħda jew aktar tkun ħadet miżuri li ma jkunux jindirizzawx it-theddida adegwatament.

3.   Meta jittieħdu l-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, l-AETS għandha tqis sa fejn il-miżuri:

(a)

jindirizzaw it-theddida b’mod sinifikattiv għall-funzjonament ordinat u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha jew parti minnha fl-Unjoni jew li ser itejbu b’mod sinifikattiv il-kapaċità tal-awtoritajiet kompetenti biex jimmonitorjaw it-theddida;

(b)

ma’ joħolqux riskju ta’ arbitraġġ regolatorju;

(c)

ma’ jkollhomx effett detrimentali fuq l-effiċjenza tas-swieq finanzjarji, inkluż permezz tat-tnaqqis tal-likwidità f’dawk is-swieq jew il-ħolqien ta’ inċertezza għall-parteċipanti fis-suq, li jkun sproporzjonat meta mqabbel mal-benefiċċji tal-miżura.

Fejn awtorità kompetenti waħda jew aktar jieħdu miżuri skont l-Artikolu 18, 19, 20 jew 21, l-AETS tista’ tieħu kwalunkwe miżura msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu mingħajr ma toħroġ l-opinjoni prevista fl-Artikolu 27.

4.   Qabel ma tiddeċiedi li timponi jew iġġedded kwalunkwe miżura msemmija fil-paragrafu 1, l-AETS għandha tikkonsulta l-BERS u, fejn xieraq, awtoritajiet rilevanti oħra.

5.   Qabel ma tiddeċiedi li timponi jew iġġedded kwalunkwe miżura msemmija fil-paragrafu 1, l-AETS għandha tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati bil-miżura li tipproponi li tieħu. In-notifika għandha tinkludi dettalji tal-miżuri proposti, il-klassi ta’ strumenti finanzjarji u t-tranżazzjonijiet li għalihom ser japplikaw, l-evidenza li tappoġġja r-raġunijiet għal dawk il-miżuri u meta jkun intenzjonat li l-miżuri jidħlu fis-seħħ.

6.   In-notifika għandha ssir mhux inqas minn 24 siegħa qabel ma jkun intenzjonat li miżura tidħol fis-seħħ jew tiġġedded. F’ċirkostanzi eċċezzjonali, l-AETS tista’ tagħmel in-notifika inqas minn 24 siegħa qabel ma jkun intenzjonat li l-miżura tidħol fis-seħħ fejn ma jkunx possibbli li jingħata avviż ta’ 24 siegħa.

7.   L-AETS għandha tippubblika fuq is-sit tal-Internet tagħha avviż ta’ kwalunkwe deċiżjoni li timponi jew iġġedded kwalunkwe miżura msemmija fil-paragrafu 1. L-avviż għandu jispeċifika tal-anqas:

(a)

il-miżuri imposti inkluż l-istrumenti u l-klassijiet ta’ tranżazzjonijiet li għalihom japplikaw u d-durata tagħhom; u

(b)

ir-raġunijiet għaliex l-AETS taħseb li jkun meħtieġ li jiġu imposti l-miżuri, inkluża l-evidenza li tappoġġja dawn ir-raġunijiet.

8.   Wara li tiddeċiedi li timponi jew iġġedded kwalunkwe miżura msemmija fil-paragrafu 1, l-AETS għandha tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti bil-miżura meħuda.

9.   Miżura għandha tidħol fis-seħħ meta l-avviż jiġi ppubblikat fuq is-sit tal-Internet tal-AETS jew f’ħin speċifikat fl-avviż jiġifieri wara l-pubblikazzjoni tiegħu u għandha tapplika biss fir-rigward ta’ tranżazzjoni li titwettaq wara li l-miżura tkun daħlet fis-seħħ.

10.   L-AETS għandha teżamina l-miżura msemmija fil-paragrafu 1 wara intervalli xierqa u tal-anqas kull tliet xhur. Jekk il-miżura ma tiġġeddidx sal-aħħar ta’ tali perijodu ta’ tliet xhur, din għandha awtomatikament tiskadi. Il-paragrafi 2 sa 9 għandhom ikunu applikabbli għat-tiġdid tal-miżuri.

11.   Miżura adottata mill-AETS skont dan l-Artikolu għandha tieħu preċedenza fuq kwalunkwe miżura oħra preċedenti meħuda minn awtorità kompetenti skont it-Taqsima 1.

Artikolu 29

Setgħat tal-AETS f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza relatati mad-dejn sovran

F’każ ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza relatata mad-dejn Sovran jew is-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu sovran l-Artikolu 18 u l-Artikolu 38 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 għandhom japplikaw.

Artikolu 30

Aktar speċifikazzjoni tal-avvenimenti u l-iżviluppi avversi

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegali skont l-Artikolu 42 li jispeċifikaw kriterji u fatturi li għandhom jitqiesu mill-awtoritajiet kompetenti u l-AETS sabiex jiġi ddeterminat f’liema każijiet iseħħu l-avvenimenti jew l-iżviluppi avversi msemmija fl-Artikoli 18 sa 21 u l-Artikolu 27 u t-theddidiet immsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 28(2).

Artikolu 31

Inkjesti mill-AETS

L-AETS tista’, fuq talba ta’ awtorità kompetenti waħda jew aktar, tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill jew il-Kummissjoni jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, twettaq inkjesta dwar kwistjoni jew prattika partikolari relatata mal-bejgħ bin-nieqes jew l-użu ta’ swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu sabiex tivvaluta jekk dik il-kwistjoni jew prattika tippreżentax xi theddida potenzjali għall-istabbiltà finanzjarja jew għall-fiduċja fis-suq fl-Unjoni.

L-AETS għandha tippubblika rapport bis-sejbiet tagħha u kwalunkwe rakkomandazzjoni li jkollha x’taqsam mal-kwistjoni jew il-prattika fi żmien tliet xhur minn tmiem kwalunkwe tali inkjesta.

KAPITOLU VI

IR-RWOL TAL-AWTORITAJIET KOMPETENTI

Artikolu 32

Awtoritajiet kompetenti

Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità kompetenti waħda jew aktar għall-fini ta’ dan ir-Regolament.

Fejn Stat Membru jaħtar aktar minn awtorità kompetenti waħda, huwa għandu jiddetermina biċ-ċar ir-rwoli rispettivi tagħhom u għandu jaħtar l-awtorità li tkun responsabbli għall-koordinazzjoni tal-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni mal-Kummissjoni, l-AETS u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħrajn.

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni, lill-AETS u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħrajn dwar dawn il-ħatriet.

Artikolu 33

Setgħat ta’ awtoritajiet kompetenti

1.   Sabiex iwettqu d-dmirijiet tagħhom skont dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom is-setgħat kollha superviżorji u investigatorji li jkunu meħtieġa għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom. Għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom fi kwalunkwe mod segwenti:

(a)

direttament;

(b)

f’kollaborazzjoni ma’ awtoritajiet oħra; jew

(c)

billi jirrikoru għand l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti.

2.   Sabiex iwettqu d-dmirijiet tagħhom skont dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom, f’ konformita’ mal-liġi nazzjonali, is-setgħat li ġejjin:

(a)

li jiksbu aċċess għal kwalunkwe dokument fi kwalunkwe forma u li jirċievu kopja tiegħu;

(b)

li jitolbu informazzjoni minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika u jekk ikun meħtieġ isejħu u jinterrogaw persuna fiżika jew ġuridika bil-ħsieb li jiksbu informazzjoni;

(c)

li jwettqu spezzjonijiet fuq il-post imħabbra jew għal għarrieda;

(d)

li jirrikjedu rekords telefoniċi eżistenti u tat-traffiku tad-dejta eżistenti;

(e)

li jirrikjedu l-waqfien ta’ kwalunkwe prattika li tmur kontra dan ir-Regolament;

(f)

li jitolbu l-iffriżar u/jew is-sekwestru tal-assi.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom, mingħajr preġudizzju għall-punti(a) u (b) tal-paragrafu 2, is-setgħa f’każijiet individwali sabiex jirrikjedu li persuna fiżika jew ġuridika li tidħol għal tranżazzjoni ta’ swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu tipprovdi:

(a)

spjegazzjoni tal-fini tat-tranżazzjoni u jekk hijiex għall-finijiet ta’ ħħeġġjar kontra riskju jew mod ieħor; u

(b)

informazzjoni li tivverifika r-riskju sottostanti fejn it-tranżazzjoni tkun għall-finijiet ta’ ħħeġġjar.

Artikolu 34

Segretezza professjonali

1.   L-obbligu tas-segretezza professjonali għandu japplika għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi kollha li jaħdmu jew li ħadmu għall-awtorità kompetenti jew għal kwalunkwe awtorità jew persuna fiżika jew ġuridika oħra li l-awtorità kompetenti tkun iddelegat xi kompiti lilha, inkluż awdituri u esperti li jkunu ngħataw kuntratt mill-awtorità kompetenti. L-informazzjoni kunfidenzjali koperta mis-segretezza professjonali ma għandhiex tiġi ddivulgata lil ebda persuna fiżika jew ġuridika jew awtorità oħra għajr meta din id-divulgazzjoni tkun meħtieġa għal proċedimenti legali.

2.   L-informazzjoni kollha skambjata bejn l-awtoritajiet kompetenti skont dan ir-Regolament li tikkonċerna n-negozju jew kundizzjonijiet operattivi u affarijiet oħra ekonomiċi jew personali għandha titqies kunfidenzjali u tkun is-suġġett tar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali, ħlief fejn l-awtorità kompetenti jew awtorità jew korp ieħor konċernat jiddikjaraw fil-ħin tal-komunikazzjoni li din l-informazzjoni tista’ tiġi ddivulgata jew din id-divulgazzjoni tkun meħtieġa għal proċedimenti legali.

Artikolu 35

Obbligu ta’ kooperazzjoni

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw kull meta jkun meħtieġ jew meta jkun vantaġġjuż għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament. B’mod partikolari, l-awtoritajiet kompetenti għandhom, mingħajr dewmien bla bżonn, jipprovdu lil xulxin b’informazzjoni li tkun rilevanti għall-finijiet li jaqdu dmirijiethom skont dan ir-Regolament.

Artikolu 36

Kooperazzjoni mal-AETS

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw mal-AETS għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament bi qbil mar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu, mingħajr dewmien, lill-AETS bl-informazzjoni kollha neċessarja biex tkun tista’ twettaq dmirijietha b’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 37

Kooperazzjoni fil-każ ta’ talba għal ispezzjonijiet fuq il-post jew investigazzjonijiet

1.   L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru wieħed tista’ titlob l-għajnuna mingħand l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor fir-rigward tal-ispezzjonijiet fuq il-post jew l-investigazzjonijiet.

L-awtorità kompetenti li tagħmel ir-rikjesta għandha tinforma lill-AETS b’kull talba msemmija fl-ewwel subparagrafu. Fil-każ ta’ investigazzjoni jew ispezzjoni b’effett transfruntier, l-AETS tista’, u jekk tintalab, għandha, tikkoordina l-investigazzjoni jew l-ispezzjoni.

2.   Meta awtorità kompetenti tirċievi talba mingħand awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor biex twettaq ispezzjoni fuq il-post jew investigazzjoni, tista’:

(a)

twettaq l-ispezzjoni fuq il-post jew l-investigazzjoni hija stess;

(b)

tippermetti lill-awtorità kompetenti li tkun issottomettiet it-talba biex tipparteċipa fl-ispezzjoni fuq il-post jew l-investigazzjoni;

(c)

tippermetti lill-awtorità kompetenti li tkun issottomettiet it-talba biex twettaq l-ispezzjoni fuq il-post jew l-investigazzjoni hija stess;

(d)

taħtar awdituri jew esperti biex iwettqu l-ispezzjoni fuq il-post jew l-investigazzjoni;

(e)

taqsam kompiti speċifiċi dwar attivitajiet superviżorji ma’ awtoritajiet kompetenti oħrajn.

3.   L-AETS tista’ titlob lill-awtoritajiet kompetenti jwettqu kompiti investigatorji speċifiċi u ispezzjonijiet fuq il-post fejn informazzjoni hija raġonevolment meħtieġa mill-AETS biex tkun tista’ teżerċita setgħa mogħtija lilha espressament minn dan ir-Regolament.

Artikolu 38

Kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom, fejn possibbli, jikkonkludu arranġamenti ta’ kooperazzjoni ma’ awtoritajiet superviżorji ta’ pajjiżi terzi dwar l-iskambju ta’ informazzjoni mal-awtoritajiet superviżorji f’pajjiżi terzi, l-infurzar ta’ obbligi li jirriżultaw skont dan ir-Regolament f’pajjiżi terzi u t-teħid ta’ miżuri simili fil-pajjiżi terzi mill-awtoritajiet superviżorji tagħhom sabiex tikkumplimenta miżuri meħuda skont il-Kapitolu V. Dawn l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni għandhom jiżguraw skambju effiċjenti ta’ informazzjoni li jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jeżerċitaw dmirijiethom skont dan ir-Regolament.

Awtorità kompetenti għandha tinforma lill-AETS u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra meta tipproponi li tidħol f’dan il-ftehim.

2.   L-arranġament ta’ kooperazzjoni għandu jkun fih dispożizzjonijiet dwar l-iskambju ta’ dejta u l-informazzjoni meħtieġa għall-awtorità kompetenti rilevanti sabiex ikun hemm konformità mal-obbligu stabbilit fl-Artikolu 16(2).

3.   L-AETS għandha tikkoordina l-iżvilupp ta’ arranġamenti ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet superviżorji rilevanti ta’ pajjiżi terzi. Għal dak il-għan, l-AETS għandha tħejji mudell ta’ dokumenti għal arranġamenti ta’ kooperazzjoni li jista’ jintuża mill-awtoritajiet kompetenti.

L-AETS għandha tikkoordina wkoll l-iskambju bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ informazzjoni miksuba minn awtoritajiet superviżorji ta’ pajjiżi terzi li jista’ jkun rilevanti għat-teħid ta’ miżuri skont il-Kapitolu V.

4.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jikkonkludu arranġamenti ta’ kooperazzjoni dwar l-iskambju ta’ informazzjoni mal-awtoritajiet superviżorji f’pajjiżi terzi biss meta l-informazzjoni ddivulgata tiġi suġġetta għal garanziji ta’ segretezza professjonali li jkunu għall-inqas ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 34. Dan l-iskambju ta’ informazzjoni għandu jkun intenzjonat biss għat-twettiq tal-kompiti ta’ dawk l-awtoritajiet kompetenti.

Artikolu 39

Trasferiment u żamma ta’ dejta personali

Fir-rigward tat-trasferiment tad-dejta personali bejn Stati Membri jew bejn Stati Membri u pajjiż terz, l-Istati Membri għandhom japplikaw id-Direttiva 95/46/KE. Fir-rigward tat-trasferiment tad-dejta personali mill-AETS lill-Istati Membri jew pajjiż terz, l-AETS għandha tikkonforma mar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Id-dejta personali msemmija fl-ewwel paragrafu għandha tinżamm sa massimu ta’ ħames snin.

Artikolu 40

Divulgazzjoni tal-informazzjoni lill-pajjiżi terzi

Awtorità kompetenti tista’ tittrasferixxi lill-awtorità superviżorja ta’ pajjiż terz dejta u l-analiżi ta’ dejta fejn l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 25 jew 26 tad-Direttiva 95/46/KE jkunu sodisfatti iżda tali trasferiment għandu jsir fuq il-bażi ta’ każ b’każ biss. L-awtorità kompetenti għandha tkun sodisfatta li t-trasferiment ikun meħtieġ għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament. Kwalunkwe trasferiment bħal dan għandu jsir bil-ftehim li l-pajjiż terz ma għandux jittrasferixxi d-dejta lill-awtorità superviżorja ta’ pajjiż terz ieħor mingħajr l-awtorizzazzjoni espressa bil-miktub tal-awtorità kompetenti.

Awtorità kompetenti għandha tiddivulga l-informazzjoni kunfidenzjali skont l-Artikolu 34 li rċeviet mingħand awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor lil awtorità superviżorja ta’ pajjiż terz meta l-awtorità kompetenti tkun kisbet il-ftehim espliċitu tal-awtorità kompetenti li tkun trażmettiet l-informazzjoni u, fejn applikabbli, l-informazzjoni tkun iddivulgata biss għall-finijiet li għalihom dik l-awtorità kompetenti tkun tat il-kunsens tagħha.

Artikolu 41

Penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar penali u miżuri amministrattivi, applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu implimentati. Dawk il-penali u miżuri amministrattivi għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

B’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, l-AETS għandha tadotta linji gwida biex tiżgura li jittieħed approċċ konsistenti rigward il-penali u miżuri amministrattivi li għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-AETS bid-dispożizzjonijiet imsemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafi sal-1 ta’ Lulju 2012 u għandhom jinnotifikawhom mingħajr dewmien bi kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwa dawk id-dispożizzjonijiet.

L-AETS għandha tippubblika fuq il-websajt tagħha u taġġorna regolarment lista penali jew miżuri amministrattivi applikabbli f’kull Stat Membru.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-AETS kull sena b’informazzjoni aggregata rigward il-penali jew miżuri amministrattivi imposti. Jekk awtorità kompetenti tiddivulga lill-pubbliku l-fatt li penali jew miżura amministrattiva tkun ġiet imposta, hija għandha, kontemporanjamanet, tinnotifika lill-AETS dwar dan.

KAPITOLU VII

ATTI DELEGATI

Artikolu 42

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa għall-adozzjoni ta’ atti delegati tingħata lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa għall-adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 2(2), l-Artikolu 3(7), l-Artikolu 4(2), l-Artikolu 5(4), l-Artikolu 6(4), l-Artikolu 7(3), l-Artikolu 17(2), l-Artikolu 23(5), u l-Artikolu 30 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ żmien indeterminat.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikol 2(2), l-Artikolu 3(7), l-Artikolu 4(2), l-Artikolu 5(4), l-Artikolu 6(4), l-Artikolu 7(3), l-Artikolu 17(2), l-Artikolu 23(5), u l-Artikolu 30 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe żmien mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Id-deċiżjoni ta’ revoka għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data oħra speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità tal-atti delegati li jkunu diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 2(2), l-Artikolu 3(7), l-Artikolu 4(2), l-Artikolu 5(4), l-Artikolu 6(4), l-Artikolu 7(3), l-Artikolu 17(2), l-Artikolu 23(5), u l-Artikolu 30 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun tqajmet l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien perijodu ta’ tliet xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn li huma infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 43

Skadenza għall-adozzjoni ta’ atti delegati

Il-Kummissjoni għandha tadotta l-atti delegati skont l-Artikolu 2(2), l-Artikolu 3(7), l-Artikolu 4(2), l-Artikolu 5(4), l-Artikolu 6(4), l-Artikolu 7(3), l-Artikolu 17(2), l-Artikolu 23(5), u l-Artikolu 30 sal-31 ta’ Marzu 2012.

Fuq inizjattiva tal-Kummissjoni, dan il-perijodu jista’ jiġi estiż b’sitt xhur.

KAPITOLU VIII

ATTI TA’ IMPLIMENTAZZJONI

Artikolu 44

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat Ewropew tat-Titoli stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/528/KE (16). Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

KAPITOLU IX

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI U FINALI

Artikolu 45

Eżami u rapport

Sat-30 ta’ Ġunju 2013, il-Kummissjoni għandha, fid-dawl ta’ diskussjonijiet mal-awtoritajiet kompetenti u l-AETS, tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar:

(a)

l-adegwatezza tan-notifika u tad-divulgazzjoni provvduti skont l-Artikoli 5, 6, 7 u 8;

(b)

l-impatt tar-rekwiżiti individwali tad-divulgar skont l-Artikolu 6, partikolarment fir-rigward tal-effiċjenza u l-volatilità tas-swieq finanzjarji;

(c)

l-adegwatezza tar-rappurtar dirett u ċentralizzat lill-AETS;

(d)

l-operazzjoni tar-restrizzjonijiet u r-rekwiżiti fil-Kapitolu II u III;

(e)

l-adegwatezza tar-restrizzjonijiet fuq swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu sovranskoperti u l-adegwatezza ta’ kwalunkwe restrizzjoni jew kundizzjoni oħra fuq il-bejgħ bin-nieqes jew is-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu.

Artikolu 46

Dispożizzjonijiet tranżitorji

1.   Miżuri eżistenti li jaqgħu fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament, fis-seħħ qabel il-15 ta’ Settembru 2010, jistgħu jibqgħu applikabbli sal-1 ta’ Lulju 2013 sakemm dawn ikunu nnotifikati lill-Kummissjoni sal-24 ta’ April 2012.

2.   Tranżazzjonijiet dwar swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu sovran li jirriżultaw f’pożizzjoni skoperta fi swap ta’ inadempjenza tal-kreditu sovran li jkun ġie konkluż qabel il-25 ta’ Marzu 2012 jew waqt sospensjoni tar-restrizzjonijiet fuq swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu sovran skoperti b’konformità mal-Artikolu 14(2) jistgħu jinżammu sad-data ta’ maturità tal-kuntratt dwar swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu sovran.

Artikolu 47

Persunal u riżorsi tal-AETS

Sal-31 ta’ Diċembru 2012, l-AETS għandha tivvaluta l-ħtiġijiet ta’ persunal u riżorsi li jirriżultaw mill-mument meta tassumi s-setgħat u d-dmirijiet tagħha taħt dan ir-Regolament u għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Artikolu 48

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Novembru 2012.

Madankollu, l-Artikolu 2(2), l-Artikolu 3(7), l-Artikolu 4(2), l-Artikolu 7(3), l-Artikolu 9(5), l-Artikolu 11(3) u (4), l-Artikolu 12(2), l-Artikolu 13(4) u (5), l-Artikolu 16(3) u (4), l-Artikolu 17(2), l-Artikolu 23 (5), (7) u (8), u l-Artikoli 30, 42, 43 u 44 għandhom japplikaw mill-25 ta’ Marzu 2012.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, l-14 ta’ Marzu 2012.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

N. WAMMEN


(1)  ĠU C 91, 23.3.2011, p. 1.

(2)  ĠU C 84, 17.3.2011, p. 34.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Novembru 2011 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Frar 2012.

(4)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84.

(5)  ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1.

(6)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1.

(7)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(8)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(9)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

(10)  ĠU L 177, 30.6.2006, p. 1.

(11)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1287/2006 tal-10 ta’ Awwissu 2006 li jimplimenta d-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-obbligi tad-ditti ta’ investiment li jżommu r-reġistri, ir-rapportaġġ tat-tranżazzjonijiet, it-trasparenza tas-suq, l-ammissjoni tal-istrumenti finanzjarji għan-negozjar, u t-termini ddefiniti għall-finijiet ta’ dik id-Direttiva (ĠU L 241, 2.9.2006, p. 1).

(12)  ĠU L 142, 30.4.2004, p. 12.

(13)  ĠU L 96, 12.4.2003, p. 16.

(14)  ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38.

(15)  ĠU L 336, 23.12.2003, p. 33.

(16)  ĠU L 191, 13.7.2001, p. 45.


Rettifika

24.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 86/25


Rettifika għar-Regolament (KE) Nru 596/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 li jadatta ċerti atti suġġetti għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, b'rabta mal-proċedura regolatorja bi skrutinju — Adattament għall-proċedura regolatorja bi skrutinju — Ir-Raba' Parti

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ĠU L 188 tat-18 ta’ Lulju 2009 )

F'paġni 21 u 22, fl-Anness, 1. Intrapriża, 1.6. Id-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità rigward il-prodotti mediċinali veterinarji:

Il-punti 1 u 2 huma mħassra.