ISSN 1725-5104

Il-Ġurnal Uffiċjali

ta’ l-Unjoni Ewropea

L 78

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 51
19 ta' Marzu 2008


Werrej

 

I   Atti adottati skond it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 215/2008 tat-18 ta' Frar 2008 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp

1

 

 

II   Atti adottati skond it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom mhijiex obbligatorja

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

 

Il-Kunsill

 

 

2008/215/KE

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Frar 2008 li tadotta r-regoli ta' proċedura tal-Kumitat tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp

35

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti adottati skond it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

REGOLAMENTI

19.3.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 78/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 215/2008

tat-18 ta' Frar 2008

dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati ta' l-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Kotonù fit-23 ta' Ġunju ta' l-2000 (1) u rivedut fil-Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005 (2) (il-“Ftehim AKP-KE”),

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE tas-27 ta' Novembru ta' l-2001 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u territorji barranin mal-Komunità Ewropea (l-“Overseas Association Decision”) (3), u b'mod partikolari r-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 23 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1/2006 tal-Kunsill tal-Ministri AKP-KE tal-Kunsill tal-Ministri tat-2 ta' Ġunju 2006 li tispeċifika l-kwadru finanzjarju pluriennali għall-perijodu bejn l-2008 u l-2013 u li jemenda l-Ftehim AKP-KE rivedut (4),

Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, dwar il-finanzjament ta' l-għajnuna Komunitarja skond il-kwadru finanzjarju pluriennali għall-perijodu bejn l-2008 u l-2013 skond il-Ftehim AKP-KE u dwar l-allokazzjoni ta' l-għajnuna finanzjarja għall-Pajjiżi u Territorji Barranin li għalihom tapplika r-Raba' Parti tat-Trattat KE (5) (il-“Ftehim Intern”), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 617/2007 ta' l-14 ta' Mejju 2007 dwar l-implimentazzjoni ta' l-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp taħt il-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE (6),

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti ta' l-Awdituri (7),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment,

Billi:

(1)

Huwa meħtieġ li jiġu determinati r-regoli dettaljati għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri għall-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp (“il-FEŻ”), li ġie stabbilit permezz tal-Ftehim Intern, u għall-allokazzjoni ta' l-għajnuna finanzjarja għall-Pajjiżi u t-Territorji Barranin li għalihom tapplika r-Raba' Parti tat-Trattat KE (“PTB”).

(2)

Għandhom jiġu stabbiliti regoli għat-trattament tal-bilanċi li jifdal mill-FEŻ preċedenti, b'mod partikolari rigward l-aranġamenti dettaljati għat-trasferiment tagħhom għall-10 FEŻ u r-regoli applikabbli għall-implimentazzjoni tagħhom, jew il-konsegwenzi tax-xoljiment mill-impenn tagħhom b'relazzjoni għall-kontribuzzjonijiet ta' l-Istati Membri.

(3)

Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet skond liema l-Qorti ta' l-Awdituri għandha teżerċita s-setgħat tagħha rigward il-FEŻ.

(4)

Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet li skondhom il-Bank Ewropew ta' l-Investiment (“BEI”) jamministra r-riżorsi tal-FEŻ.

(5)

Id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-iskrutinju min-naħa tal-Qorti ta' l-Awdituri tar-riżorsi tal-FEŻ li huma amministrati mill-BEI għandhom ikunu konformi mal-Ftehim Tripartitiku li ġie konkluż bejn il-Qorti ta' l-Awdituri, il-BEI u l-Kummissjoni previst fl-Artikolu 248(4) tat-Trattat.

(6)

Huwa xieraq li tiġi żgurata l-eżekuzzjoni adegwata, fil-pront u effiċjenti tal-programmi u tal-proġetti ffinanzjati taħt il-Ftehim AKP-KE u li jiġu stabbiliti proċeduri ta' amministrazzjoni li jkunu trasparenti u faċli sabiex jiġu applikati, u li jiffaċilitaw id-deċentralizzazzjoni tal-kompiti u tar-responsabbiltajiet.

(7)

Il-partijiet għall-Ftehim AKP-KE reġgħu affermaw l-impenn tagħhom għall-klawżoli soċjali u etiċi kif iddefiniti mill-Konvenzjonijiet ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO).

(8)

Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti r-regoli dettaljati skond liema l-uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni b'delega jistabbilixxi l-arranġamenti meħtieġa sabiex tkun żgurata l-eżekuzzjoni xierqa ta' l-operazzjonijiet b'koperazzjoni mill-qrib ma' l-Uffiċjal Nazzjonali ta' l-Awtorizzazzjoni.

(9)

Safejn ikun possibbli, f'dan ir-Regolament għandu jittieħed kont tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju ta' l-2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (8), bħala s-sies tar-riforma ta' l-amministrazzjoni interna tal-Kummissjoni, għal raġunijiet ta' effiċjenza u semplifikazzjoni. Jekk ikun xieraq ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta' Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolament Finanzjaru applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (9) għandu japplika mutatis mutandis f'ċerti każijiet.

(10)

Il-bidliet kollha b'paragun mar-Regolament Finanzjarju tas-27 ta' Marzu 2003 applikabbli għad-9 Fond Ewropew għall-Iżvilupp (10) għandhom jikkontribwixxu għall-kisba ta' l-objettivi tar-riformi tal-Kummissjoni, għandhom itejbu jew jiżguraw amministrazzjoni finanzjarja tajba, u għandhom ikabbru l-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità kontra l-frodi u attivitajiet illegali oħrajn, u b'hekk ikabbru l-legalità u r-regolarità ta' l-operazzjonijiet finanzjarji.

(11)

Uħud mill-bidliet b'paragun mar-Regolament Finanzjarju għad-9 FEŻ huma meħtieġa fid-dawl ta' l-esperjenza prattika sabiex tkun iffaċilitata l-implimentazzjoni tal-FEŻ u t-twettiq ta' l-objettivi sottostanti tal-politika u sabiex isir aġġustament għal uħud mir-rekwiżiti proċedurali u dokumentarji. B'mod partikolari, it-trasparenza għandha tiġi rinforzata billi tiġi prevista informazzjoni dwar il-benefiċjarji tal-fondi Komunitarji.

(12)

Il-prinċipju ta' amministrazzjoni finanzjarja tajba għandu jimplika kontroll intern effettiv u effiċjenti għall-implimentazzjoni tar-riżorsi tal-FEŻ.

(13)

Rigward ir-riżorsi tal-FEŻ, għandu jsir possibbli għall-Istati Membri li jagħmlu kontribuzzjonijiet finanzjarji volontarji sabiex jgħinu sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE barra l-arranġamenti ta' kofinanzjament, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 617/2007.

(14)

Għall-FEŻ, għandu japplika l-prinċipju ta' speċifikazzjoni.

(15)

Rigward il-metodi ta' implimentazzjoni tar-riżorsi tal-FEŻ, id-dispożizzjonijiet dwar l-amministrazzjoni ċentralizzata, deċentralizzata u konġunta kif ġew stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju għad-9 FEŻ għandhom ikunu ristrutturati bl-objettiv li jkunu aktar ċari u wħud mir-rekwiżiti għandhom jiġu ċċarati aktar. B'mod partikolari, ir-rekwiżiti għal amministrazzjoni konġunta, il-kondizzjonijiet għad-delega tal-kompiti u l-kriterji sabiex jintużaw korpi nazzjonali tas-settur pubbliku għandhom ikunu simplifikati sabiex ikun iffaċilitat l-użu tagħhom u sabiex jirrispondu għal ħtiġijiet operattivi dejjem akbar.

(16)

Il-projbizzjoni tad-delega tal-kompiti implimentattivi lil korpi privati għandha tiġi aġġustata fir-rigward ta' l-amministrazzjoni ċentralizzata peress li t-termini ta' dik il-projbizzjoni irriżultaw li huma inutilment stretti. Għandu jkun possibbli li l-Kummissjoni tuża s-servizzi ta' aġenzija ta' l-ivjaġġar jew ta' organizzatur tal-konferenzi sabiex ikunu responabbli għar-rimborż ta' l-ispejjeż lill-parteċipanti fil-konferenzi, dment li wieħed joqgħod attent li jkun żgurat li ma jkun eżerċitat l-ebda poter diskrezzjonarju mill-kumpannija privata.

(17)

Rigward l-uffiċjal tal-kontabbiltà, ir-responsabbiltà tiegħu sabiex jiċċertifika l-kontabbiltà abbażi ta' l-informazzjoni finanzjarja provduta lilu mill-uffiċjali ta' l-awtorizzazzjoni għandha tkun iċċarata aktar. Għal dan il-għan, l-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jingħata l-poter li jikkontrolla li l-informazzjoni li tasal għand l-uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni b'delega u li jintroduċi riżervi, jekk ikun meħtieġ.

(18)

Il-kondizzjonijiet u l-limitazzjonijiet rigward ir-responsabbiltà finanzjarja ta' l-atturi finanzjarji kollha u ta' kwalunkwe persuna oħra involuta fl-implimentazzjoni tal-FEŻ għandhom ikunu ċċarati.

(19)

Ir-regoli ta' l-irkupru ta' l-ammonti li jistgħu jinġabru għandhom ikunu ċċarati u msaħħa sabiex l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet ikunu mħarsa aħjar. B'mod partikolari, għandhom ikunu speċifikati l-kondizzjonijiet li fihom ikunu dovuti lill-FEŻ l-interessi fuq il-ħlasijiet tard.

(20)

Għandu jsir provvediment għall-perijodi ta' limitazzjoni dwar il-validità tal-pretensjonijiet. Il-Komunità, b'differenza għal ħafna mill-Istati Membri tagħha, mhix suġġetta għal perijodu ta' limitazzjoni li taħtu l-pretensjonijiet finanzjarji jiġu mitmuma wara ċertu perijodu ta' żmien. Il-Komunità lanqas mhi ristretta minn perijodu ta' limitazzjoni sabiex issegwi l-pretensjonijiet tagħha kontra terzi persuni. L-introduzzjoni ta' tali perijodi ta' limitazzjoni għandha tikkorrispondi għall-prinċipju ta' amministrazzjoni finanzjarja tajba.

(21)

F'konformità mar-Regolament Finanzjarju Ġenerali u d-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 fuq koordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal fornimenti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (11) , ir-regoli dwar l-esklużjoni minn proċedura ta' akkwist jeħtieġ li jiġu ċċarati. Għandha ssir distinzjoni ċara bejn esklużjoni mandatorja u esklużjoni abbażi ta' penali amministrattiva. Barra minn hekk, għal raġunjiet ta' ċertezza u ta' proporzjonalità legali, għandu jkun stabbilit perijodu massimu ta' esklużjoni. Tista' tkun prevista eċċezzjoni għar-regoli dwar l-esklużjoni rigward ix-xiri ta' fornimenti b'termini partikolarment vantaġġjużi jew minn fornitur li qiegħed jagħlaq b'mod definittiv l-attivitajiet kummerċjali tiegħu, jew mir-riċevituri jew mil-likwidaturi ta' falliment, arranġament ma' kredituri, jew proċedura simili skond il-liġi nazzjonali.

(22)

Huwa xieraq li jkun permess l-użu tad-database ċentrali li tikkonċerna l-kandidati jew dawk li jitfgħu l-offerti għal xogħol b'appalt f'sitwazzjonijiet ta' esklużjoni stabbiliti skond ir-Regolament (KE, Eu ratom) Nru 1605/2002 fil-kuntest tal-FEŻ.

(23)

Rigward l-għotjiet, hu meħtieġ li jsiru xi kjarifiki fl-Artikolu 103, b'mod partikolari rigward il-kamp ta' applikazzjoni tagħhom. Sabiex tittejjeb l-amministrazzjoni ta' l-għotjiet u jkunu simplifikati l-proċeduri, għandu jkun possibbli l-għotjiet jingħataw jew permezz ta' deċiżjonijiet ta' l-istituzzjoni jew permezz ta' ftehim bil-miktub ma' benefiċjarji, u li jiġi awtorizzat l-użu ta' ħlasijiet b'somma li tingħata f'daqqa u b'rata fissa flimkien mal-metodu aktar tradizzjonali ta' rimborż ta' l-ispejjeż tabilħaqq ikunu saru. Finalment, ir-rekwiżiti għall-kontrolli u għall-garanziji għandhom ikunu aktar proporzjonati għar-riskji finanzjarji involuti.

(24)

Ir-regola li l-għotjiet għandhom jingħataw abbażi ta' sejħiet għal proposti rriżultat siewja. Madankollu mill-esperjenza ntwera li f'ċerti sitwazzjonijiet in-natura ta' l-azzjoni ma tħalli l-ebda għażla fis-selezzjoni tal-benefiċjarji. Għalhekk għandu jkun rikonoxxut b'mod espliċitu li jistgħu jinqalgħu tali każijiet eċċezzjonali.

(25)

Fejn jingħataw għotjiet għal spejjeż kurrenti, irriżulta li r-regola li l-ftehim meħtieġ ma jistax jiġi ffirmat aktar tard minn erba' xhur wara l-bidu tas-sena finanzjarja tal-benefiċjarju kienet wisq riġida. Dik l-iskadenza għalhekk għandha tkun iffissata għal sitt xhur.

(26)

Ladarba l-għotjiet għandhom jibqgħu jingħataw abbażi ta' kriterji ta' għażla u ta' għoti, m'hemmx għalfejn dawk il-kriterji jiġu evalwati fil-każijiet kollha minn kumitat. Għandhom ikunu permessi mezzi oħrajn aktar flessibbli għall-evalwazzjoni tal-kriterji ta' l-għażla.

(27)

Għal raġunijiet ta' ċarezza, ir-regoli dwar ir-rekwiżiti ta' akkwist li għandhom ikunu applikati mill-benefiċjarji ta' l-għotjiet għandhom ikunu ssimplifikati. Barra minn hekk, għandu jkun previt b'mod espliċitu il-każ fejn l-implimentazzjoni ta' azzjoni tkun teħtieġ appoġġ finanzjarju lil partijiet terzi,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT,

WERREJ

L-EWWEL PARTI –

DISPOŻIZZJONIJIET PRINĊIPALI

TITOLU I –

SUĠĠETT U KAMP TA' APPLIKAZZJONI 1–5

TITOLU II –

PRINĊIPJI FINANZJARJI 6

KAPITOLU 1

PRINĊIPJU TAL-PREĊIŻJONI FINANZJARJA 7–8

KAPITOLU 2

PRINĊIPJU TA' L-UNITÀ TAL-KONTABBILTÀ 9

KAPITOLU 3

PRINĊIPJU TA' SPEĊIFIKAZZJONI 10

KAPITOLU 4

PRINĊIPJU TA' AMMINISTRAZZJONI FINANZJARJA TAJBA 11–13

KAPITOLU 5

PRINĊIPJU TAT-TRASPARENZA 14

TITOLU III –

RIŻORSI U KONTRIBUZZJONIJIET TA' L-ISTATI MEMBRI

KAPITOLU 1

KOMPOŻIZZJONI TAR-RIŻORSI TAL-FEŻ 15–16

TITOLU IV –

IMPLIMENTAZZJONI TAR-RIŻORSI TAL-FEŻ

KAPITOLU 1

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI 17–19

KAPITOLU 2

METODI TA' IMPLIMENTAZZJONI

Taqsima 1

Dispożizzjonijiet ġenerali 20

Taqsima 2

Amministrazzjoni deċentralizzata 21–24

Taqsima 3

Amministrazzjoni ċentralizzata 25–28

Taqsima 4

Amministrazzjoni konġunta ma' organizzazzjonijiet internazzjonali 29

KAPITOLU 3

ATTURI FINANZJARJI 30

Taqsima 1

Prinċipju tas-segregazzjoni tad-dmirijiet 31

Taqsima 2

Uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni 32–38

Taqsima 3

Uffiċjal tal-kontabbiltà 39–43

Taqsima 4

Aġent tal-ħlas 44–47

Taqsima 5

Amministratur tal-ħlas 48–50

KAPITOLU 4

RESPONSABBILTÀ TA' L-ATTURI FINANZJARJI

Taqsima 1

Regoli ġenerali 51–52

Taqsima 2

Regoli applikabbli għall-uffiċjali ta' l-awtorizzazzjoni 53–54

Taqsima 3

Regoli applikabbli għall-uffiċjali tal-kontabbiltà u għall-amministraturi tal-ħlas 55–56

KAPITOLU 5

OPERAZZJONIJIET TA' DĦUL

Taqsima 1

Tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi tal-FEŻ 57–61

Taqsima 2

Stimi ta' l-ammonti li jistgħu jinġabru 62

Taqsima 3

Stabbiliment ta' l-ammonti li jistgħu jinġabru 63

Taqsima 4

Awtorizzazzjoni ta' l-irkupru 64

Taqsima 5

Rkupru 65

KAPITOLU 6

OPERAZZJONIJIET TAN-NEFQA

Taqsima 1

Dispożizzjonijiet ġenerali 66

Taqsima 2

Impenn tan-nefqa 67–72

Taqsima 3

Impenn tan-nefqa taħt amministrazzjoni ċentralizzata jew konġunta 73–76

Taqsima 4

Impenn tan-nefqa taħt amministrazzjoni deċentralizzata 77–80

Taqsima 5

Validazzjoni tan-nefqa 81

Taqsima 6

Awtorizzazzjoni tan-nefqa 82

Taqsima 7

Ħlas tan-nefqa 83–86

Taqsima 8

Limiti ta' żmien għall-operazzjonijiet ta' nfiq 87

KAPITOLU 7

SISTEMI TA' IT 88

KAPITOLU 8

AWDITUR INTERN 89–90

TITOLU V –

AKKWIST

KAPITOLU 1

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Taqsima 1

Ambitu u prinċipji ta' għoti 91–92

Taqsima 2

Publikazzjoni 93

KAPITOLU 2

PROĊEDURI TA' AKKWIST 94–99

TITOLU VI –

OPERAZZJONIJIET TA' XOGĦOL DIRETT U OPERAZZJONIJIET DEĊENTRALIZZATI INDIRETTI 100–102

TITOLU VII –

GĦOTJIET

KAPITOLU 1

AMBITU U FORMA TA' L-GĦOTJIET 103–104

KAPITOLU 2

PRINĊIPJI 105–109

KAPITOLU 3

PROĊEDURA TA' GĦOTI 110–112

KAPITOLU 4

ĦLAS U KONTROLL 113–115

KAPITOLU 5

IMPLIMENTAZZJONI 116–117

TITOLU VIII –

PREŻENTAZZJONI TAL-KONTIJIET U KONTABBILTÀ

KAPITOLU 1

PREŻENTAZZJONI TAL-KONTIJIET 118–125

KAPITOLU 2

INFORMAZZJONI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAR-RIŻORSI TAL-FEŻ 126

KAPITOLU 3

KONTABBILTÀ 127–133

TITOLU IX –

VERIFIKA ESTERNA U KWITTANZA

KAPITOLU 1

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI 134

KAPITOLU 2

VERIFIKA ESTERNA 135–141

KAPITOLU 3

KWITTANZA 142–144

IT-TIENI PARTI –

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI DWAR IR-RIŻORSI TAL-FEŻ AMMINISTRATI MILL-BEI 145–152

IT-TIELET PARTI –

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻIZZJONALI U FINALI

TITOLU I –

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻIZZJONALI

KAPITOLU 1

TRASFERIMENT TAL-BILANĊI LI JIFDAL MINN FEŻ PREĊEDENTI 153–154

KAPITOLU 2

BILANĊI LI JIFDAL MINN FEŻ PREĊDENTI 155

KAPITOLU 3

REGOLI APPLIKABBLI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-FEŻ PREĊEDENTI 156

KAPITOLU 4

PERIJODU TRANŻIZZJONALI 157–158

TITOLU II –

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI 159

L-EWWEL PARTI

DISPOŻIZZJONIJIET PRINĊIPALI

TITOLU I

SUĠĠETT U KAMP TA' APPLIKAZZJONI

Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għat-twaqqif u għall-implimentazzjoni finanzjarja tar-riżorsi ta' l-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), u l-preżentazzjoni u l-verifika finanzjarja tal-kontabbiltà.

Artikolu 2

1.   Il-Kummissjoni għandha tassumi r-responsabbiltajiet tal-Komunità definiti fl-Artikolu 57 tal-Ftehim AKP-KE u fid-Deċiżjoni dwar Assoċjazzjoni lil hinn mill-Baħar.

Għal dak il-għan, hija għandha tieħu ħsieb l-implimentazzjoni finanzjarja ta' l-operazzjonijiet li jitwettqu bir-riżorsi tal-FEŻ allokati fil-forma ta' għajnuna li m'hemmx għalfejn titħallas lura, esklużi s-sussidji tar-rata ta' l-interessi, u tagħmel ħlasijiet skond dan ir-Regolament.

2.   Għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha taġixxi fuq ir-responsabbiltà tagħha stess u fil-limiti tar-riżorsi allokati.

Artikolu 3

Il-Bank ta' l-Investiment Ewropew (BEI), waqt li jaġixxi f'isem il-Komunità, għandu jamministra l-Faċilità ta' Investiment, kif ukoll is-sussidji tar-rata ta' l-interessi, u għandu jwettaq l-operazzjonijiet stabbiliti fiha, skond ir-regoli stabbiliti fit-Tieni Parti. F'dak il-kuntest, il-BEI għandu jaġixxi f'isem u għar-riskju tal-Komunità.

IL-BEI għandu jieħu ħsieb l-implimentazzjoni finanzjarja ta' l-operazzjonijiet imwettqa permezz ta' self mir-riżorsi tiegħu stess, u fejn ikun applikabbli, ikkombinati mas-sussidji tar-rata ta' l-interessi miġbuda mir-riżorsi ta' l-għoti mill-FEŻ.

Artikolu 4

Id-dispożizzjonijiet ta' din il-Parti, flimkien ma' dawk tat-Tielet Parti, għandhom japplikaw esklużivament għall-implimentazzjoni finanzjarja tar-riżorsi tal-FEŻ amministrati mill-Kummissjoni. Dawk id-dispożizzjonijiet ma jistgħux jiġu interpretati bħala li jagħtu lok għal kwalunkwe obbligu min-naħa tal-Kummissjoni fir-rigward ta' l-implimentazzjoni finanzjarja tar-riżorsi tal-FEŻ amministrati mill-BEI.

Artikolu 5

1.   Dment li ma ma jkunx speċifikat mod ieħor, ir-riferenzi f'dan ir-Regolament għall-Istati AKP għandhom jitqiesu bħala li qed jirriferu wkoll għall-korpi jew għar-rappreżentanti ddefiniti fl-Artikoli 13 u 14 ta' l-Anness IV għall-Ftehim AKP-KE, li b'mod adegwat jistgħu jiġu mandatati sabiex jeżerċitaw ir-responsabbiltajiet tagħhom skond dak il-Ftehim.

2.   Is-sena finanzjarja għandha tibda fl-1 ta' Jannar u tintemm fil-31 ta' Diċembru.

TITOLU II

PRINĊIPJI FINANZJARJI

Artikolu 6

Ir-riżorsi tal-FEŻ għandhom jiġu stabbiliti u implimentati skond il-prinċipji li ġejjin, kif ġie stabbilt f'dan ir-Regolament:

(a)

preċiżjoni finanzjarja,

(b)

unità ta' kontabbiltà,

(ċ)

speċifikazzjoni,

(d)

amministrazzjoni finanzjarja tajba,

(e)

trasparenza.

KAPITOLU 1

Prinċipju tal-preċiżjoni finanzjarja

Artikolu 7

1.   L-ebda dħul m'għandu jinġabar u l-ebda nfiq ma jsir dment li ma jkunx riservat għal allokazzjoni tal-FEŻ.

2.   L-ebda nfiq ma jista' jiġi impenjat jew awtorizzat lil hinn minn dawn l-allokazzjonijiet.

3.   L-interessi li jrendu l-fondi li huma proprjetà tal-FEŻ jiddaħħlu bħala dħul tal-FEŻ.

Artikolu 8

1.   L-interessi iġġenerati mill-ħlasijiet ta' pre-finanzjament għandu jkun assenjat lill-programm jew lill-azzjoni kkonċernati u jitnaqqas mill-ħlas tal-bilanċ ta' l-ammonti dovuti lill-benefiċjarju.

2.   L-interessi m'għandhomx ikunu dovuti lill-Komunitajiet fil-każijiet li ġejjin:

(a)

pre-finanzjament li ma jirrappreżentax ammont sinifikanti;

(b)

prefinanzjament imħallas taħt kuntratt ta' akkwist fis-sens ta' l-Artikolu 91;

(ċ)

avvanzi mħallsa lill-membri ta' l-istituzzjonijiet u lill-persunal skond ir-Regolamenti tal-Persunal ta' l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet ta' l-impjieg ta' Ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewoprej, minn hawn 'il quddiem “ir-Regolamenti tal-Persunal”;

(d)

pre-finanzjament imħallas fil-kwadru ta' amministrazzjoni konġunta kif imsemmija fil-punt (c) ta' l-Artikolu 20(1).

3.   L-Artikoli 3, 4 u 4a tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-implimentazzjoni tal-paragrafi 1 u 2.

KAPITOLU 2

Prinċipju ta' l-unità tal-kontabbiltà

Artikolu 9

1.   Ir-riżorsi tal-FEŻ għandhom jiġu stabbiliti u implimentati bl-euro u l-kontabbiltà għandha tiġi ppreżentata fl-euro.

Madankollu, għall-finijiet ta' l-amministrazzjoni tat-teżor imsemmija fl-Artikolu 39, l-uffiċjal tal-kontabbiltà jista' jwettaq l-operazzjonijiet bl-euro jew b'muniti oħra.

2.   L-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-implimentazzjoni tal-paragrafu 1.

KAPITOLU 3

Prinċipju ta' speċifikazzjoni

Artikolu 10

Ir-riżorsi tal-FEŻ għandhom jiġu magħżula għal finijiet speċifiċi skond l-istrumenti prinċipali tal-koperazzjoni, kif ġie deskritt fil-Protokoll Finanzjarju tal-Ftehim AKP-KE u fid-Deċiżjoni dwar Assoċjazzjoni lil hinn mill-Baħar.

Fir-rigward ta' l-Istati AKP, dawk l-istrumenti huma stabbiliti mill-Protokoll Finanzjarju mniżżel fl-Anness Ib tal-Ftehim AKP-KE. L-għażla tar-riżorsi għandha tkun ibbażata wkoll fuq id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Intern u għandha tieħu kont tar-riżorsi riżervati għan-nefqa ta' appoġġ konnessi mal-programmazzjoni u ma' l-implimentazzjoni skond l-Artikolu 6 tiegħu.

Fir-rigward tal-PTB, dawk l-istrumenti għandhom jiġu stabbiliti fl-Anness II A bis għad-Deċiżjoni dwar Assoċjazzjoni lil hinn mill-Baħar. L-għażla ta' dawk ir-riżorsi għandha tieħu kont ukoll tar-riżerva mhux allokata prevista fl-Artikolu 3(4) ta' dak l-Anness u tar-riżorsi riżervati għal studji jew għal miżuri ta' għajnuna teknika skond l-Artikolu 1(1)(c) tiegħu.

KAPITOLU 4

Prinċipju ta' amministrazzjoni finanzjarja tajba

Artikolu 11

1.   Ir-riżorsi tal-FEŻ għandhom jintużaw skond il-prinċipji ta' amministrazzjoni finanzjarja tajba, prinċipalment skond il-prinċipji ta' ekonomija, effiċjenza u effikaċja.

2.   Il-prinċipju ta' l-ekonomija jeħtieġ li r-riżorsi li jintużaw sabiex jiġu segwiti l-attivitajiet għandhom ikunu disponibbli fiż-żmien dovut, fi kwantità u kwalità xierqa u bl-aqwa prezz.

Il-prinċipju ta' l-effiċjenza huwa kkonċernat bl-aqwa relazzjoni bejn ir-riżorsi użati u r-riżultati miksuba.

Il-prinċipju ta' l-effikaċja huwa kkonċernat bil-kisba ta' l-objettivi speċifiċi stabbiliti u li jintlaħqu r-riżultati ppjanati.

3.   Għandhom jiġu stabbiliti objettivi speċifiċi, miżurabbli, li jistgħu jintlaħqu, li jkunu rilevanti u f'waqthom. Il-kisba ta' dawk l-objettivi għandha tkun immonitorjata minn indikaturi tal-prestazzjoni.

Artikolu 12

Sabiex jitjieb il-proċess ta' tfassil tad-deċiżjonijiet, b'mod partikolari sabiex tiġi ġġustifikata u speċifikata d-determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet li għandha titħallas mill-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 57, huma meħtieġa l-evalwazzjonijiet li ġejjin:

(a)

qabel l-użu tar-riżorsi tal-FEŻ għandu jkun hemm evalwazzjoni ex ante ta' l-operazzjoni li għandha ssir

(b)

l-operazzjoni għandha titressaq għal evalwazzjoni ex post sabiex ikun żgurat li r-riżultati maħsuba jiġġustifikaw il-mezzi wżati.

Artikolu 13

1.   Il-prinċipju ta' amministrazzjoni finanzjarja tajba kien jeħtieġ li r-riżorsi tal-FEŻ ikunu implimentati skond kontroll intern effettiv u effiċjenti kif ikun xieraq f'kull modalità ta' amministrazzjoni.

2.   Għall-finijiet ta' l-implimentazzjoni tar-riżorsi tal-FEŻ, il-kontroll intern għandu jkun iddefinit bħala proċess applikabbli fil-livelli kollha ta' amministrazzjoni u mfassal sabiex jipprovdi assigurazzjoni raġonevoli dwar il-kisba ta' l-objettivi li ġejjin:

(a)

l-effikaċja, l-effiċjenza u l-ekonomija ta' l-operazzjonijiet;

(b)

l-affidabbiltà tar-rappurtaġġ;

(ċ)

is-salvagwardja ta' l-assi u ta' l-informazzjoni;

(d)

il-prevenzjoni u s-sejba tal-frodi u ta' l-irregolaritajiet;

(e)

amministrazzjoni adegwata tar-riskji relatati mal-legalità u mar-regolarità tat-transazzjonijiet sottostanti, fejn jittieħed kont tan-natura pluriennali tal-programmi kif ukoll in-natura tal-ħlasijiet ikkonċernati.

KAPITOLU 5

Prinċipju tat-trasparenza

Artikolu 14

1.   Ir-riżorsi tal-FEŻ għandhom jiġu stabbiliti u implimentati u l-kontabbiltà għandha tiġi ppreżentata b'konformità mal-prinċipju tat-trasparenza.

2.   L-istimi annwali ta' l-impenji u tal-ħlasijiet skond l-Artikolu 7 tal-Ftehim Intern, flimkien mal-kontabbiltà tal-FEŻ imsemmija fl-Artikolu 118 ta' dan ir-Regolament, għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

3.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli, b'mod adegwat, informazzjoni dwar il-benefiċjarji tal-fondi li ġejjin mill-FEŻ li għandha fil-pussess tagħha meta r-riżorsi tal-FEŻ jiġu implimentati fuq bażi ċentralizzata u direttament mid-dipartimenti tagħha, u informazzjoni dwar il-benefiċjarji ta' fondi kif inhu provdut mill-entitajiet li lilhom ġew delegati kompiti ta' implimentazzjoni finanzjarja skond modalitajiet oħra ta' amministrazzjoni.

Din l-informazzjoni għandha tkun disponibbli, bir-rispett adegwat tar-rekwiżiti tal-kunfidenzjalità, b'mod partikolari l-protezzjoni tad-data personali kif inhu stabbilit fid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (12) u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali (13) mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data, u r-rekwiżiti tas-sigurtà, b'kont meħud ta' l-ispeċifiċitajiet ta' kull modalità ta' amministrazzjoni msemmija fl-Artikolu 20.

TITOLU III

RIŻORSI U KONTRIBUZZJONIJIET TA' L-ISTATI MEMBRI

KAPITOLU 1

Kompożizzjoni tar-riżorsi tal-FEŻ

Artikolu 15

Ir-riżorsi tal-FEŻ għandhom jikkonsistu fl-ammonti stabbiliti fl-Artikolu 1 tal-Ftehim Intern.

Artikolu 16

1.   Il-Kummissjoni tista' tamministra l-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri u minn pajjiżi donaturi oħra f'isimhom, inkluż fiż-żewġ każi, l-aġenziji pubbliċi u parata' l-Istat tagħhom, jew minn organizzazzjonijiet internazzjonali għal ċerti proġetti jew programmi ffinanzjati mill-FEŻ, skond l-Artikolu 9 (1) u (2) tar-Regolament (KE) nru 617/2007.

2.   Il-Kummissjoni tista' wkoll tamministra kontribuzzjonijiet finanzjarji volontarji mill-Istati Membri skond l-Artikolu 9 (4) u (5) tar-Regolament (KE) Nru 617/2007 u kwalunkwe arranġamenti speċifiċi stabbiliti fil-ftehim ta' kontribuzzjoni bilaterali rilevanti.

3.   Ir-riżorsi addizzjonali kif iddefiniti fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu amministrati skond l-istess regoli bħar-riżorsi tal-FEŻ.

TITOLU IV

IMPLIMENTAZZJONI TAR-RIŻORSI TAL-FEŻ

KAPITOLU 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 17

Il-Kummissjoni tista', fi ħdan id-dipartimenti tagħha stess, tiddelega s-setgħat tagħha sabiex timplimenta r-riżorsi tal-FEŻ, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti minn dan ir-Regolament u mir-regoli interni tiegħu kif ukoll fil-limiti stabbiliti mill-Kummissjoni fl-istrument tad-delega. Dawk li jingħataw dan il-poter jistgħu jaġixxu biss fil-limiti tas-setgħat li jkunu ġew ikkonferiti lilhom espressament.

Artikolu 18

1.   L-atturi finanzjarji kollha u kwalunke persuna oħra involuta fl-implimentazzjoni, fl-amministrazzjoni, fil-verifika jew fil-kontroll tar-riżorsi tal-FEŻ għandhom jiġu pprojbiti milli jieħdu kwalunkwe azzjoni li tista' ġġib l-interessi tagħhom f'konflitt ma' dawk tal-Komunità. Jekk jinqala' konflitt ta' interessi, il-persuna kkonċernata għandha toqgħod lura minn tali azzjoni u tirriferi l-kwistjoni lill-awtorità kompetenti.

2.   Ikun hemm konflitt ta' interessi fejn l-eżerċizzju imparzjali u oġġettiv tal-funzjonijiet ta' attur finanzjarju jew ta' persuna oħra, kif jissemma fil-paragrafu 1, ikun kompromess għal raġunijiet li jinvolvu l-familja, il-ħajja emozzjonali, l-affinità politika jew nazzjonali, l-interess ekonomiku jew kwalunkwe interess ieħor kondiviż mal-benefiċjarju.

3.   L-Artikoli 34 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002 għandu japplika mutatis mutandis għall-implimentazzjoni tal-paragrafi 1 u 2.

Artikolu 19

Għall-finijiet ta' dan it-Titolu, it-terminu “persunal” jirriferi għal persuni koperti mir-Regolamenti tal-Persunal.

KAPITOLU 2

Metodi ta' implimentazzjoni

Taqsima 1

Dispożizzjoni Ġenerali

Artikolu 20

1.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta r-riżorsi tal-FEŻ skond id-dispożizzjonijiet li ġew stabbiliti fl-Artikoli 21 sa 29 fi kwalunkwe wieħed minn dawn il-modi:

(a)

b'amministrazzjoni deċentralizzata;

(b)

b'amministrazzjoni ċentralizzata;

(ċ)

b'amministrazzjoni konġunta ma' organizzazzjonijiet internazzjonali.

2.   Il-Kapitolu 2 “Metodi ta' Implimentazzjoni” tal-Parti I, Titolu IV tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002 għandu japplika mutatis mutandis għall-implimentazzjoni ta' dan il-Kapitolu.

Taqsima 2

Amministrazzjoni deċentralizzata

Artikolu 21

Bħala regola ġenerali, il-Kummissjoni għandha tieħu ħsieb l-implimentazzjoni finanzjarja tar-riżorsi tal-FEŻ permezz ta' waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

permezz ta' amministrazzjoni deċentralizzata ma' l-Istati AKP skond il-kondizzjonijiet li ġew stabbiliti fil-Ftehim AKP-KE u billi jiġi applikat it-tqassim tar-responsabbiltajiet previst fl-Artikolu 57 ta' dak il-Ftehim u fl-Artikoli 34, 35 u 36 ta' l-Anness IV tiegħu;

(b)

permezz ta' amministrazzjoni deċentralizzata mal-PTB skond il-kondizzjonijiet li ġew stabbiliti fid-Deċiżjoni dwar Assoċjazzjoni lil hinn mill-Baħar u fil-miżuri li jimplimentaw dik id-Deċiżjoni.

Artikolu 22

1.   Fil-kuntest ta' amminsitrazzjoni deċentralizzata, il-Kummissjoni għandha tieħu ħsieb l-implimentazzjoni finanzjarja tar-riżorsi tal-FEŻ skond ir-regoli dettaljati stabbiliti fil-paragrafi 2, 3 u 4. Kif previst fil-każ ta' l-amministrazzjoni ċentralizzata, il-Kummissjoni tista' tiddelega kompiti residwali lill-korpi msemmija fl-Artikolu 25 (2-5).

2.   L-Istati AKP jew il-PTB benefiċjarji għandhom:

(a)

iwettqu kontrolli regolari sabiex ikun żgurat li l-azzjonijiet li għandhom ikunu ffinanzjati bir-riżorsi tal-FEŻ ikunu ġew implimentati b'mod korrett;

(b)

jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jipprevjenu irregolaritajiet u frodi u, jekk ikun meħtieġ, jiftħu proċedimenti legali sabiex jirkupraw fondi li jkunu tħallsu meta ma kinux dovuti.

3.   Sabiex tiżgura li l-fondi jintużaw skond ir-regoli applikabbli u fil-limiti tas-setgħat ikkonferiti lilha, il-Kummissjoni għandha tapplika proċeduri ta' kklerjar tal-kontijiet jew mekkaniżmi ta' korrezzjoni finanzjarja li jippermettulha li tonora l-obbligi tagħha skond il-Ftehim AKP-KE, b'mod partikolari skond l-Artikolu 34(1) ta' l-Anness IV tiegħu, u skond id-Deċiżjoni dwar Assoċjazzjoni lil hinn mill-Baħar, partikolarment skond l-Artikoli 20 u 32 tagħha.

4.   Il-pajjiżi u t-territorji msieħba li lilhom jiġu delegati kompiti ta' implimentazzjoni għandhom jiżguraw, f'konformità ma' l-Artikolu 14(3), il-pubblikazzjoni annwali ex post adegwata tal-benefiċjarji tal-fondi li ġejjin mill-FEŻ.

Artikolu 23

L-implimentazzjoni mill-Istati AKP u mill-PTB ta' l-operazzjonijiet iffinanzjati mir-riżorsi tal-FEŻ għandhom ikunu suġġetti għall-iskrutinju tal-Kummissjoni..

Dak l-iskrutinju jista' jiġi eżerċitat b'approvazzjoni minn qabel, permezz ta' kontrolli ex post jew bi proċedura kombinata, skond d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim AKP-KE, tad-Deċiżjoni dwar Assoċjazzjoni lil hinn mill-Baħar u skond il-miżuri li jimplimentaw dik id-Deċiżjoni.

Artikolu 24

Skond il-grad ta' deċentralizzazzjoni previst fil-Ftehim AKP-KE, fid-Deċiżjoni dwar Assoċjazzjoni lil hinn mill-Baħar u fil-miżuri li jimplimentaw dik id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha sabiex tħeġġeġ l-Istati AKP u l-PTB benefiċjarji sabiex jaderixxu, meta jeżerċitaw is-setgħat fdati lilhom skond il-Ftehim AKP-KE, u skond id-Deċiżjoni dwar Assoċjazzjoni lil hinn mill-Baħar, mal-prinċipju ta' amministrazzjoni finanzjarja tajba stabbilit fl-Artikolu 11, partikolarment l-applikazzjoni progressiva tal-kritejri li ġejjin:

(a)

proċeduri trasparenti ta' akkwist u proċeduri ta' għoti, li ma jkunux diskriminatorji u li jeskludu kwalunkwe konflitt ta' interess;

(b)

sistema effettiva u effiċjenti ta' kontroll intern għall-amministrazzjoni ta' l-operazzjonijiet, li tinkludi s-segregazzjoni effettiva tad-dmirijiet ta' l-uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni u ta' l-uffiċjal tal-kontabbiltà jew tal-funzjonijiet ekwivalenti;

(ċ)

sistema ta' kontabbiltà li tippermetti l-użu korrett ta' riżorsi tal-FEŻ li għandhom ikunu verifikati u l-użu ta' fondi li għandhom ikunu riflessi fil-kontabbiltà tal-FEŻ;

(d)

verifika esterna indipendenti eżerċitata minn istituzzjoni nazzjonali għal verifika esterna indipendenti;

(e)

fil-każ ta' l-operazzjonijiet ta' xogħol dirett imsemmija fl-Artikolu 101(1), dispożizzjonijiet adegwati għall-amministrazzjoni u għall-iskrutinju tal-kontijiet imprest lokali u għad-definizzjoni tar-responsabbiltajiet ta' l-amministratur imprest lokali u ta' l-uffiċjal tal-kontabbiltà.

Għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni, fi ftehim ma' l-Istati AKP u mal-PTB li jibbenifikaw, għandha tinkorpora d-dispożizzjonijiet xierqa fil-ftehim ta' finanzjament imsemmija fl-Artikolu 70(3).

Taqsima 3

Amministrazzjoni Ċentralizzata

Artikolu 25

1.   Fejn il-Kummissjoni timplimenta r-riżorsi tal-FEŻ fuq bażi ċentralizzata, il-kompiti ta' implimentazzjoni għandhom jitwettqu direttament jew indirettament mid-dipartimenti tagħha skond il-paragrafi 2 sa 4 ta' dan l-Artikolu u skond l-Artikoli 26 sa 29.

L-implimentazzjoni indiretta, skond il-paragrafi 2 sa 4 ta' dan l-Artikolu u skond l-Artikoli 27 sa 29, tapplika wkoll fil-każ tad-delega ta' kompiti residwi lill-korpi li jissemmew fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu fil-każ ta' amministrazzjoni deċentralizzata.

2.   Il-Kummissjoni ma tistax tiddelega lil partijiet terzi s-setgħa' eżekuttiva li hi tgawdi skond il-Ftehim AKP-KE jew skond id-Deċiżjoni ta' Assoċjazzoni Barranija fejn dawk is-setgħat tagħha jinvolvu miżura kbira ta' diskrezzjoni li timplika għażliet politiċi. Il-kompiti ta' implimentazzjoni ddelegati għandhom ikunu definiti b'mod ċar u sorveljati kompletament fir-rigward ta' l-użu li jsir minnhom.

Id-delega tal-kompiti ta' implimentazzjoni finanzjarja għandha tkun konformi mal-prinċipju ta' amministrazzjoni finanzjarja tajba u għandha tkun żgurata konformità mal-viżibbiltà ta' l-azzjoni Komunitarja. L-ebda kompitu ta' implimentazzjoni li jkun ġie ddelegat b'dan il-mod ma jista' jagħti bidu għal konflitti ta' interess.

3.   Fil-limiti stabbiliti fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni tista' tiddelega kompiti ta' awtorità pubblika, b'mod partikoalri kompiti ta' implimentazzjoni finanzjarja, lil dawn li ġejjin:

(a)

l-aġenziji eżekuttivi stabbiliti skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 (14);

(b)

korpi nazzjonali tas-settur pubbliku jew korpi regolati mid-dritt privat b'missjoni ta' servizz pubbliku u li jipprovdu garanziji finanzjarji adegwati għall-implimentazzjoni tal-kompiti assenjati lilhom.

Il-Kummissjoni tista' tuża r-riżorsi tal-FEŻ sabiex tħallas kumpens finanzjarju lil dawn il-korpi għall-ispejjeż amministrattivi magħmula.

Kull sena, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kunsill bil-każijiet, bl-aġenziji u bil-korpi kkonċernati. Għandha tipprovdi motivazzjoni proporzjonata ta' l-użu ta' l-aġenziji nazzjonali.

4.   L-implimentazzjoni tar-riżorsi korrispondenti tal-FEŻ minn aġenzija msemmiija fil-paragrafu 3(a) għandha titwettaq mid-direttur ta' dik l-aġenzija.

5.   Fejn l-aġenziji u l-korpi msemmija fil-paragrafu 3 jwettqu kompiti ta' implimentazzjoni, dawn għandhom iwettqu kontrolli regolari sabiex jiżguraw li l-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati mir-riżorsi tal-FEŻ ikunu ġew implimentati b'mod korrett.

Tali aġenziji u korpi għandhom jieħdu miżuri xierqa sabiex jipprevjenu irregolaritajiet u frodi u, jekk ikun meħtieġ, jiftħu proċedimenti legali sabiex jirkupraw fondi li jkunu tħallsu meta ma kinux dovuti jew li ntużaw b'mod skorrett.

Artikolu 26

Fejn il-Kummissjoni timplimenta riżorsi tal-FEŻ permezz ta' amministrazzjoni ċentralizzata indiretta, l-ewwel għandha tikseb evidenza ta' l-eżistenza u ta' l-operazzjoni adegwata fl-entitajiet li lilhom tafda l-implimentazzjoni ta' dawn li ġejjin:

(a)

proċeduri trasparenti ta' akkwist u ta' għoti li mhumiex diskriminatorji u li jeskludu kwalunkwe konflitt ta' interess u li huma konformi mat-Titoli V u VII;

(b)

sistema effettiva u effiċjenti ta' kontroll intern għall-amministrazzjoni ta' l-operazzjonijiet, li tinkludi s-segregazzjoni effettiva tad-dmirijiet ta' l-uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni u ta' l-uffiċjal tal-kontabbiltà jew tal-funzjonijiet ekwivalenti;

(ċ)

sistema ta' kontabbiltà li tippermetti l-użu korrett ta' riżorsi tal-FEŻ li għandhom ikunu verifikati u l-użu ta' fondi li għandhom ikunu riflessi fil-kontabbiltà tal-FEŻ;

(d)

verfika esterna indipendenti;

(e)

aċċess pubbliku għall-informazzjoni fuq il-livell previst fir-Regolamenti Komunitarji;

(f)

pubblikazzjoni annwali ex post adegwata tal-benefiċjarji tal-fondi li ġejjin mill-FEŻ, skond l-Artikolu 14(3).

Il-Kummissjoni tista' taċċetta li s-sistemi ta' verifika, ta' kontabbiltà, ta' akkwist u ta' l-għoti ta' l-aġenziji u tal-korpi msemmija fl-Artikolu 25(3) ikunu ekwivalenti għal tagħha, b'kont debitament meħud ta' l-istandards aċċettati internazzjonalment.

Artikolu 27

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura s-superviżjoni, l-evalwazzjoni u l-kontroll ta' l-implimentazzjoni tal-kompiti fdati. Għandha tieħu kont ta' l-ekwivalenza tas-sistemi ta' kontroll meta twettaq kontrolli bl-użu s-sistemi ta' kontroll tagħha stess.

2.   L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) għandu jgawdi mill-istess setgħat fir-rigward tal-korpi li lilhom jiġu delegati l-kompiti bħal fir-rigward tad-dipartimenti tal-Kummissjoni. Il-korpi in kwistjoni għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex jgħinu lill-OLAF iwettaq investigazzjonijiet interni. Kwalunkwe att mwettaq minn tali korpi għall-implimentazzjoni tar-riżorsi tal-FEŻ, u b'mod partikolari kwalunkwe deċiżjoni jew kuntratt konkluż minnhom, għandhom jipprevedu speċifikament l-istess kontrolli bħall-Artikolu 70(4).

Artikolu 28

Il-Kummissjoni ma tistax tafda miżuri ta' implimentazzjoni ta' fondi li ġejjin mir-riżorsi tal-FEŻ, bħall-ħlas u l-irkupru, lil entitajiet jew korpi esterni tas-settur privat ħlief dawk imsemmija fil-punt (b) ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 25(3) jew f'każijiet speċifiċi fejn il-ħlasijiet involuti għandhom isiru lil benefiċjarji magħżula mill-Kummissjoni, huma suġġetti għal kondizzjonijiet u ammonti stabbiliti mill-Kummissjoni u ma jinvolvux l-eżerċizzju ta' diskrezzjoni mill-entità jew mill-korp li qed jagħmel il-ħlasijiet.

Il-kompiti li jistgħu jiġu fdati b'kuntratt lil entitajiet jew korpi esterni tas-settur privat ħlief dawk imsemmija fil-punt (b) ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 25(3) huma kompiti ta' kompetenza teknika u kompiti amministrattivi, preparatorji jew anċillari li la jinvolvu l-eżerċizzju ta' awtorità pubblika u lanqas l-użu ta' setgħat diskrezzjonarji ta' ġudizzju.

Taqsima 4

Amministrazzjoni konġunta ma' organizzazzjonijiet internazzjonali

Artikolu 29

1.   Meta l-Kummissjoni timplimenta r-riżorsi tal-FEŻ permezz ta' amministrazzjoni konġunta, fil-każi li ġejjin ċerti kompiti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu delegati lil organizzazzjonijiet internazzjonali:

(a)

kulfejn il-Kummissjoni u l-organizzazzjoni internazzjonali jkunu marbuta minn ftehim qafas għal perijodu twil ta' żmien li jistabbilixxi l-arranġamenti amministrattivi u finanzjarji għall-koperazzjoni tagħhom;

(b)

kulfejn il-Kummissjoni u l-organizzazzjoni internazzjonali iħejju proġett jew programm konġunt;

(ċ)

fejn il-fondi ta' diversi donaturi jinġabru flimkien u ma jkunux magħżula għal punti jew kategoriji speċifiċi ta' nfiq, jiġifieri fil-każ ta' azzjonijiet b'għadd ta' donaturi.

Fil-proċeduri ta' kontabbiltà, ta' verifika, ta' kontroll intern u ta' akkwist tagħhom, dawn l-organizzazzjonijiet għandhom japplikaw standards li joffru garanziji ekwivalenti għal standards aċċettati internazzjonalment.

2.   L-implimentazzjoni minn organizzazzjonijiet internazzjonali ta' operazzjonijiet iffinanzjati minn riżorsi tal-FEŻ għandha tkun suġġetta għal skrutinju min-naħa tal-Kummissjoni. Tali skrutinju għandu jkun eżerċitat b'approvazzjoni minn qabel, permezz ta' kontrolli ex post jew permezz ta' proċedura kombinata.

3.   Il-ftehim individwali li jkunu ġew konklużi ma' organizzazzjonijiet internazzjonali għall-għoti ta' finanzjament għandu jkun fihom dispożizzjonijiet dettaljati għall-implimentazzjoni tal-kompiti fdati lil tali organizzazzjonijiet internazzjonali.

4.   L-organizzazzjonijiet internazzjonali li lilhom ikunu fdati l-kompiti ta' implimentazzjoni għandhom jiżguraw, skond l-Artikolu 14(3), pubblikazzjoni annwali adegwata u ex post tal-benefiċjarji tal-fondi li jkunu ġejjin mill-FEŻ.

KAPITOLU 3

Atturi finanzjarji

Artikolu 30

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lil kull attur finanzjarju bir-riżorsi meħtieġa sabiex iwettaq dmirijietu u b'karta li tiddeskrivi fid-dettall il-kompiti, id-drittijiet u l-obbligi tiegħu.

Taqsima 1

Prinċipju tas-segregazzjoni tad-dmirijiet

Artikolu 31

Id-dmirijiet ta' l-uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni u ta' l-uffiċjal tal-kontabbiltà għandhom ikunu segregati u għandhom ikunu reċiprokament inkompatibbli.

Taqsima 2

Uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni

Artikolu 32

1.   Fil-kuntest ta' l-implimentazzjoni finanzjarja ta' l-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2, il-Kummissjoni għandha twettaq id-dmirijiet ta' l-uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni.

2.   Il-Kummissjoni għandha tagħżel membru tal-persunal ta' livell xieraq lil lilhom tiddelega d-dmirjiet ta' uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni, l-ambitu tas-setgħat delegati u l-possibbiltà għall-persuni li lilhom jiġu delegati dawn is-setgħat li jissubdelegawhom.

3.   Is-setgħat ta' l-uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni għandhom ikunu delegati jew subdelegati biss lill-persunal.

4.   L-uffiċjali ta' l-awtorizzazzjoni b'delega jew b'subdelega jistgħu jaġixxu biss fil-limiti stabbiliti mill-istrument tad-delega jew tas-subdelega. L-uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni responsabbli b'delega jew b'subdelega jista' jiġi megħjun fil-kompitu tiegħu minn membru tal-persunal wieħed jew aktar fdat, taħt ir-responsabbiltà tiegħu, sabiex iwettaq ċerti operazzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tar-riżorsi tal-FEŻ u tal-preżentazzjoni tal-kontabbiltà.

Artikolu 33

L-uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni għandu jkun responsabbli għal li ġej:

(a)

l-implimentazzjoni tad-dħul u ta' l-infiq skond il-prinċipju ta' amministrazzjoni finanzjarja tajba;

(b)

li jkun żgurat li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti tal-legalità u tar-regolarità.

Artikolu 34

1.   Biex tkun implimentata n-nefqa, l-uffiċjali ta' l-awtorizzazzjoni b'delega jew b'subdelega għandhom jagħmlu impenji finanzjarji u, fejn ikun xieraq, impenji legali, għandhom jivvalidaw in-nefqa u jawtorizzaw il-ħlasijiet u għandhom jieħdu ħsieb il-preliminari għall-implimentazzjoni tar-riżorsi tal-FEŻ.

2.   L-implimentazzjoni tad-dħul għandha tinkludi l-preparazzjoni ta' l-istimi ta' l-ammonti li jistgħu jinġabru, l-istabbiliment ta' l-ammonti dovuti li għandhom jiġu rkuprati u l-ħruġ ta' l-ordnijiet ta' l-irkupru. Fejn ikun xieraq, għandha tinkludi r-rinunzja ta' l-ammonti dovuti stabbiliti.

Artikolu 35

Ħlief f'każjiet fejn l-amministrazzjoni tkun ċentralizzata jew kondiviża ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, l-operazzjonijiet relatati ma' l-implimentazzjoni tal-programmi jew tal-proġetti għandhom jitwettqu mill-uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni nazzjonali jew reġjonali, kif iddefinit fl-Artikolu 35 ta' l-Anness IV għall-Ftehim AKP-KE u fil-miżuri li jimplimentaw id-Deċiżjoni dwar Assoċjazzjoni lil hinn mill-Baħar, f'koperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni skond l-Artikoli 34, 35 u 36 ta' l-Anness IV għall-Ftehim AKP-KE.

Artikolu 36

1.   Fejn l-uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni b'delega jinduna bi problemi fit-twettiq tal-proċeduri relatati ma' l-amministrazzjoni tar-riżorsi tal-FEŻ, huwa għandu, flimkien ma' l-uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni nazzjonali jew reġjonali, jagħmel il-kuntatti kollha meħtieġa sabiex isib rimedju għas-sitwazzjoni u jieħu kwalunkwe passi li jkunu meħtieġa.

F'każijiet fejn l-uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni nazzjonali jew reġjonali ma jwettaqx jew ma jkunx jista' jwettaq id-dmirijiet tiegħu skond il-Ftehim AKP-KE, l-uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni b'delega jista' jissostitwixxih temporanjament, u f'każ li jiġri dan, il-Kummissjoni tista' tirċievi, mir-riżorsi allokati lill-Istat AKP in kwistjoni, kumpens finanzjarju għall-ħidma amministrattiva żejda li tkun inħolqot.

2.   Kwalunkwe miżura meħuda minn uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni b'delega skond il-paragrafu 1 għandha tittieħed f'isem l-uffiċjal awtorizzanti nazzjonali jew reġjonali kkonċernat.

Artikolu 37

1.   L-uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni b'delega għandu jistabbilixxi, skond l-istandards minimi adottati mill-Kummissjoni u u b'kont debitament meħud tar-riskji assoċjati ma' l-ambjent ta' l-amministrazzjoni u man-natura ta' l-azzjonijiet iffinanzjati, l-istruttura organizzattiva u l-proċeduri ta' amministrazzjoni u ta' kontroll interni li jkunu adattati għat-twettiq tad-dmirijiet tiegħu, inklużi, fejn adegwat, verifiki ex post.

2.   Qabel ma tkun awtorizzata operazzjoni, l-aspetti operattivi u finanzjarji għandhom jiġu verifikati minn membri tal-persunal għajr dak li jkun ta bidu għall-operazzjoni. Il-bidu u l-verifika ex anteex post ta' dik l-operazzjoni għandhom ikunu funzjonijiet separati.

3.   Il-persunal kollu responsabbli mill-kontroll ta' l-amministrazzjoni ta' l-operazzjonijiet finanzjarji għandu jkollu l-ħiliet professjonali meħtieġa. Għandu jirrispetta kodiċi ta' standards professjonali speċifiku stabbilit mill-Kummissjoni.

4.   Kwalunkwe membru tal-persunal involut fl-amministrazzjoni finanzjarja u fil-kontroll tat-transazzjonijiet li jqis li deċiżjoni li huwa qed jeħtieġ li jieħu minn ta' fuqu sabiex japplikaha jew jaqbel magħha tkun irregolari jew tmur kontra l-prinċipji ta' amministrazzjoni finanzjarja tajba jew kontra r-regoli professjonali li huwa meħtieġ li josserva, għandu jinforma bil-miktub lill-uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni b'delega, u jekk dan ta' l-aħħar ma jieħux azzjoni, lill-bord imsemmi fl-Artikolu 54(3).

F'każ ta' frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li tista' tagħmel ħsara lill-interessi Komunitarji, huwa għandu jinforma lill-awtoritajiet u lill-korpi maħtura permezz tal-leġiżlazzjoni applikabbli.

Artikolu 38

L-uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni b'delega għandu jirrapporta lill-Kummissjoni dwar it-twettiq ta' dmirijietu fil-forma ta' rapport annwali ta' attività flimkien ma' l-informazzjoni finanzjarja u ta' amministrazzjoni li tikkonferma li l-informazzjoni li tinsab fir-rapport tippreżenta stampa vera u ġusta ħlief kif speċifikat mod ieħor fi kwalunkwe riżerva relatata ma' l-oqsma ddefiniti ta' dħul u ta' nfiq.

Dak ir-rapport għandu jindika r-riżultati ta' l-operazzjonijiet b'referenza għall-objettivi stabbiliti, ir-riskji assoċjati ma' dawn l-operazzjonijiet, l-użu li jkun sar mir-riżorsi provduti u l-effiċjenza u l-effikaċja tas-sistema ta' kontroll intern. L-awditur intern għandu jieħu nota tar-rapport annwali u ta' kwalunkwe biċċa informazzjoni oħra provduta. Mhux aktar tard mill-15 ta' Ġunju ta' kull sena, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sommarju tar-rapport annwali ta' attività għas-sena preċedenti.

Taqsima 3

Uffiċjal tal-kontabbiltà

Artikolu 39

1.   Il-Kummissjoni għandha taħtar uffiċjal tal-kontabbiltà li għandu jkun responsabbli:

(a)

għall-implimentazzjoni adegwata tal-ħlasijiet, għall-ġbir tad-dħul u għall-irkupru ta' l-ammonti stabbiliti bħala li jistgħu jinġabru;

(b)

għall-preparazzjoni u għall-preżentazzjoni tal-kontabbiltà skond it-Titolu VIII;

(ċ)

għaż-żamma tal-kontabbiltà:

(i)

għall-allokazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 15, ħlief dawk għall-Faċilità ta' Investiment, u s-sussidji tar-rata ta' l-interessi;

(ii)

għall-impenji msemmija fl-Artikolu 70;

(iii)

għall-ħlasijiet, għad-dħul u għad-djun;

(d)

għall-istabbiliment, skond it-Titolu VIII, tar-regoli u tal-metodi tal-kontabbiltà u tal-pjan tal-kontijiet;

(e)

għall-istabbiliment u għall-validazzjoni tas-sistemi ta' kontabbiltà u, fejn adegwat, għas-sistemi ta' validazzjoni stabbiliti mill-uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni b'delega sabiex jipprovdi jew jiġġustifika informazzjoni ta' kontabbiltà;

(f)

amministrazzjoni tat-teżor.

L-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jingħata s-setgħa li jivverifika r-rispett tal-kriterji għall-validazzjoni msemmija fil-punt (e) ta' l-ewwel subparagrafu.

2.   L-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jikseb l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-produzzjoni tal-kontabbiltà li tagħti stampa vera ta' l-implimentazzjoni finanzjarja tar-riżorsi tal-FEŻ mingħand l-uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni b'delega u mill-BEI, li, kull wieħed għall-parti tiegħu, għandhom jiggarantixxu l-affidabbiltà tiegħu.

Artikolu 40

1.   Qabel l-adozzjoni tal-kontabbiltà mill-Kummissjoni, l-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jiffirmahom, sabiex b'hekk jiċċertifika li għandu assigurazzjoni raġonevoli li l-kontabbiltà tippreżenta stampa vera u ġusta tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-FEŻ.

Għal dak il-għan, l-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jkun sodisfatt li:

(a)

il-kontabbiltà ġiet ippreparata skond ir-regoli, il-metodi u s-sistemi tal-kontabbiltà li ġew stabbiliti taħt ir-responsabbiltà tiegħu kif stabbilit f'dan ir-Regolament għall-kontabbiltà tal-FEŻ;

(b)

id-dħul u l-infiq kollha jitniżżlu fil-kontabbiltà.

L-uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni b'delega għandu jgħaddi l-informazzjoni kollha li l-uffiċjal tal-kontabbiltà jeħtieġ sabiex iwettaq dmirijietu.

L-uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni għandu jibqa' kompletament responsabbli mill-użu adegwaqt tal-fondi li hu jamministra kif ukoll mil-legalità u mir-regolarità tan-nefqa taħt il-kontroll tiegħu.

Artikolu 41

L-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jingħata l-poter sabiex jikkontrolla l-informazzjoni li tasal kif ukoll li jwettaq kwalunkwe kontroll ieħor li jqis meħtieġ sabiex jiffirma l-kontabbiltà. L-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jagħmel riżervi, jekk ikun meħtieġ, fejn jispjega eżattament in-natura u l-ambitu ta' tali riżervi.

Artikolu 42

Ħlief kif ikun previst mod ieħor f'dan ir-Regolament, l-uffiċjal tal-kontabbiltà biss jingħata s-setgħa li jamministra l-flus kontanti u l-ekwivalenti għall-flus kontanti. Huwa għandu jkun responsabbli li jinżammu f'post sigur.

Artikolu 43

Ħlief kif ikun previst mod ieħor f'dan ir-Regolament, l-uffiċjal tal-kontabbiltà biss, fit-twettiq ta' dmirijietu, jista' jiddelega ċerti kompiti lill-membri tal-persunal ta' taħtu.

L-istrument tad-delega għandu jistabbilixxi l-kompiti fdati lil dawk li ngħatatilhom delega.

Taqsima 4

Aġent tal-ħlas

Artikolu 44

1.   Sabiex jagħmel il-ħlasijiet previsti fl-Artikolu 37(1) u (4) ta' l-Anness IV għall-Ftehim AKP-KE jew fil-miżuri li jimplimentaw id-Deċiżjoni dwar Assoċjazzjoni lil hinn mill-Baħar, l-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jiftaħ kontijiet, fejn adegwat, ma' l-istituzzjonijiet finanzjarji fl-Istati AKP u fil-PTB, għall-ħlasijiet fil-valuti nazzjonali ta' l-Istati AKP jew fil-valuti lokali tal-PTB, u ma' l-istituzzjonijiet finanzjarji fl-Istati Membri, għall-ħlasijiet f'euro u f'valuti oħrajn.

2.   Dawn l-istituzzjonijiet finanzjarji, li jaġixxu bħala aġenti tal-ħlas, iwettqu ħlasijiet f'valuti nazzjonali, f'euro u f'valuti oħra fuq l-istruzzjonijiet ta' l-uffiċjal tal-kontabbiltà.

3.   Skond l-Artikolu 37(2) ta' l-Anness IV għall-Ftehim AKP-KE, id-depożiti f'kontijiet ma' l-istituzzjonijiet finanzjarji fl-Istati AKP u fil-PTB m'għandu jkollhom l-ebda interessi fuqhom u dawn ta' l-aħħar m'għandhom jirċievu l-ebda remunerazzjoni għas-servizzi tagħhom.

Skond l-Artikolu 1(6) tal-Ftehim Intern, id-depożiti f'kontijiet ma' l-istituzzjonijiet finanzjarji fl-Istati Membri għandu jkollhom l-interessi fuqhom. Tali interessi għandhom jiġu kreditati lil wieħed mill-kontijiet previsti f'dak l-Artikolu.

Artikolu 45

Ir-relazzjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-aġenti tal-ħlas previsti fl-Artikolu 37 ta' l-Anness IV għall-Ftehim AKP-KE jew fil-miżuri li jimplimentaw id-Deċiżjoni dwar Assoċjazzjoni lil hinn mill-Baħar għandhom ikunu s-suġġett ta' kuntratti. Ladarba jkunu ffirmati, il-kopji ta' dawn il-kuntratti għandhom jintbagħtu lill-Qorti ta' l-Awdituri għal finijiet ta' informazzjoni.

Artikolu 46

1.   Il-Kummissjoni għandha tittrasferixxi mill-kontijiet speċjali miftuħa skond l-Artikolu 59(3) l-ammonti meħtieġa sabiex terġa' timla l-kontijiet miftuħa f'isimha skond l-Artikolu 44. Tali trasferimenti għandhom isiru fuq abbażi tal-ħtiġijiet ta' flus kontanti tal-proġetti u tal-programmi.

2.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel sforz sabiex tagħmel kwalunkwe ġbid ta' flus mill-kontijiet speċjali msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 59(3) b'tali mod li żżomm id-distribuzzjoni ta' l-assi tagħha f'dawk il-kontijiet li jikkorrispondu għall-proporzjonijiet li fihom id-diversi Stati Membri jikkontribwixxu għall-FEŻ.

Artikolu 47

Il-firem tal-membri tal-persunal tal-Kummissjoni li lilhom ġiet ikkonferita s-setgħa jwettqu operazzjonijiet fuq il-kontijiet tal-FEŻ għandhom jiġu depożitati mal-banek ikkonċernati meta jinfetħu l-kontijiet jew, fil-każ ta' membti tal-persunal awtorizzati sussegwentement, meta dawn jinħatru.

Taqsima 5

Amministratur tal-ħlas

Artikolu 48

1.   Sabiex isiru l-ħlasijiet previst fl-Artikolu 44, l-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jaħtar amministratur tal-ħlas sabiex jagħmel il-ħlasijiet lokali permezz tal-kont ta' l-aġent tal-ħlas.

2.   L-amministraturi tal-ħlas għandhom jintgħażlu minn fost uffiċjali jew, jekk tinqala' l-ħtieġa u biss f'każijiet li jiġu sostanzjati b'mod xieraq, minn fost membri tal-persunal oħra.

Artikolu 49

1.   Il-ħatra ta' l-amministratur tal-ħlas għandha tkun is-suġġett ta' deċiżjoni mill-uffiċjal tal-kontabbiltà, fuq proposta li tkun ġiet debitament sostanzjata mill-uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni responsabbli. Dik id-deċiżjoni għandha tistabbilixxi r-responsabbiltajiet u l-obbligi rispettivi ta' l-amministratur tal-ħlas u ta' l-uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni.

Għall-inqas, għandha tispeċifika:

(a)

il-frekwenza li biha għandhom jiġu prodotti d-dokumenti ta' appoġġ u l-proċedura sabiex jiġu prodotti;

(b)

il-proċedura li għandha tkun segwita għar-riforniment tal-kont ta' l-aġent tal-ħlas;

(ċ)

il-perijodu ta' validità ta' l-awtorizzazzjoni mogħtija lill-amministratur tal-ħlas mill-uffiċjal tal-kontabbiltà;

(d)

l-identità ta' l-amministratur tal-ħlas maħtur.

L-emenda għad-deċiżjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha wkoll tkun is-suġġett ta' deċiżjoni mill-uffiċjal tal-kontabbiltà fuq proposta li debitament sostanzjata mill-uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni responsabbli.

2.   L-amministratur tal-ħlas, wara l-istruzzjoni mill-uffiċjal tal-kontabbiltà, għandu jagħmel ħlasijiet li jkunu ġew debitament awtorizzati lil partijiet terzi fil-limiti tal-bilanċ residwi pożittiv tal-kont ta' l-aġent tal-ħlas fil-bank.

Artikolu 50

Riforniment tal-kontijiet bankarji lokali

L-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jforni mill-ġdid il-kontijiet ta' l-aġent tal-ħlas u għandu jimmonitorja dawk il-kontijiet rigward il-ftuħ ta' kontijiet bankarji, id-delega tal-firem u l-kontrolli fil-post u fil-kontijiet ċentralizzati.

Il-flus għall-kontijiet ta' l-aġent tal-ħlas jistgħu jinħarġu direttament minn dħul lokali differenti li ġej minn:

(a)

ħlasijiet lura differenti

(b)

ordnijiet għall-irkupru.

KAPITOLU 4

Responsabbiltà ta' l-atturi finanzjarji

Taqsima 1

Regoli ġenerali

Artikolu 51

1.   Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe azzjoni dixxiplinari l-uffiċjali ta' l-awtorizzazzjoni b'delega u b'subdelega, fi kwalunkwe żmien, jista' jkollhom id-delega jew is-subdelega tagħhom irtirata temporanjament jew definittivament mill-awtorità li tkun ħatrithom.

2.   Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe azzjoni dixxiplinari, l-uffiċjal tal-kontabbiltà jista' jiġi sospiż fi kwalunkwe ħin temporanjament jew definittivament mid-dmirijiet tiegħu mill-Kummissjoni.

3.   Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe azzjoni dixxiplinari, l-amministraturi tal-ħlas jistgħu jiġu sospiżi fi kwalunkwe ħin temporanjament jew definittivament mid-dmirijiet tagħhom mill-awtorità li tkun ħatrithom.

Artikolu 52

1.   Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu huma mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe obbligu skond il-liġi kriminali li l-atturi finanzjarji msemmija fl-Artikolu 51 jista' jkollhom fil-liġi nazzjonali applikabbli u fid-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet u dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi l-impjegati jew l-uffiċjali ta' l-Istati Membri.

2.   Kull uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni, uffiċjal tal-kontabbiltà jew amministratur tal-ħlas għandhom ikunu suġġetti għal azzjoni dixxiplinari u għal ħlas ta' kumpens kif stabbilit fir-Regolamenti tal-Persunal, mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 53 sa 56 ta' dan ir-Regolament.

Fil-każ ta' frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li tista' tagħmel ħsara lill-interessi Komunitarji, il-kwistjoni għandha titressaq quddiem l-awtoritajiet jew il-korpi kompetenti.

Taqsima 2

Regoli applikabbli għall-uffiċjali ta' l-awtorizzazzjoni

Artikolu 53

L-obbligu sabiex l-uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni jħallas kumpens kif jissemma fl-Artikolu 52(2) għandu japplika b'mod partikolari jekk:

(a)

l-uffiċjal ta' l-awtorizzazzzjoni, kemm jekk b'mod intenzjonali jew minħabba negliġenza kbira min-naħa tiegħu, jiddetermina l-ammonti dovuti li għandhom jiġu rkuprati jew joħroġ ordnijiet għall-irkupru, jimpenja nefqa jew jiffirma ordni għall-ħlas mingħajr ma jikkonforma ma' dan ir-Regolament;

(b)

l-uffiċjal ta' l-awtorizzazzzjoni, kemm jekk b'mod intenzjonali jew minħabba negliġenza kbira min-naħa tiegħu, ma jippreparax dokument li jistabbilixxi ammont li jista' jinġabar, jittraskura milli joħroġ ordni għall-irkupru jew ikun tard sabiex joħroġha jew ikun tard sabiex joħroġ ordni għall-ħlas, u b'hekk il-Kummissjoni tiġi suġġetta għal azzjoni ċivili min-naħa ta' partijiet terzi.

Artikolu 54

1.   Fejn uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni b'delega jew b'subdelega jqis li deċiżjoni li tkun ir-responsabbiltà tiegħu li jieħu tkun irregolari jew kuntrarja għall-prinċipji ta' amministrazzjoni finanzjarja tajba, huwa għandu jinforma lill-awtorità tad-delega bil-miktub. Jekk l-awtorità tad-delega mbagħad tagħti struzzjoni motivata bil-miktub lill-uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni b'delega jew b'subdelega sabiex jieħu d-deċiżjoni kkonċernata, dan ta' l-aħħar m'għandux jinżamm responsabbli.

2.   Fil-każ ta' subdelega interna, l-uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni b'delega għandu jkompli jkun responsabbli għall-effiċjenza u għall-effikaċja ta' l-amministrazzjoni interna u tas-sistemi ta' kontroll li ġew stabbiliti u għall-għażla ta' l-uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni b'subdelega.

3.   Il-bord speċjalizzat fl-irregolaritajiet finanzjarji stabbilit mill-Kummissjoni skond ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002, għandu jkollu kompetenza sabiex jiddetermina, b'relazzjoni mal-FEŻ, jekk tkunx seħħet irregolarità finanzjarja u, x'għandhom ikunu l-konsegwenzi, jekk ikun hemm. Fir-rigward ta' l-amministrazzjoni tar-riżorsi tal-FEŻ min-naħa tal-Kummissjoni, il-każijiet għandhom jiġu riferiti lil dak il-bord kif previst fl-Artikolu 75 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002.

Abbażi ta' l-opinjoni tal-bord, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk tiftaħx proċeduri li jimplikaw li jista' jkun hemm azzjoni dixxiplinari jew ħlas ta' kumpens. Jekk il-bord jiskopri problemi sistemiċi, għandu jibgħat rapport b'rakkomandazzjonijiet lill-uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni b'delega, sakemm din ta' l-aħħar ma tkunx il-persuna involuta, kif ukoll lill-awditur intern.

Taqsima 3

Regoli applikabbli għall-uffiċjali tal-kontabbiltà u għall-amministraturi tal-ħlas

Artikolu 55

Uffiċjal tal-kontabbiltà jista' jkun suġġett għal azzjoni dixxiplari u ħlas ta' kumpens, kif stabbilit u skond il-proċeduri fir-Regolamenti tal-Persunal. B'mod partikolari, huwa jista' jagħmel lilu nnifsu suġġett għal dan bi kwalunkwe waħda mill-forom li ġejjin ta' kondotta ħażina:

(a)

huwa jitlef jew jikkawża danni lil flus, assi u dokumenti li jkun qiegħed jieħu ħsieb;

(b)

b'mod żbaljat, huwa jibdel kontijiet bankarji jew kontijiet kurrenti postali;

(ċ)

huwa jirkupra jew iħallas ammonti li ma jkunux konformi ma' l-ordnijiet għall-irkupru jew ordnijiet għall-ħlas korrispondenti;

(d)

huwa jonqos milli jiġbor id-dħul dovut.

Artikolu 56

Amministratur tal-ħlas jista' jkun suġġett għal azzjoni dixxiplari u ħlas ta' kumpens, kif stabbilit u skond il-proċeduri fir-Regolamenti tal-Persunal. B'mod partikolari, huwa jista' jagħmel lilu nnifsu suġġett għal dan bi kwalunkwe waħda mill-forom li ġejjin ta' kondotta ħażina:

(a)

huwa jitlef jew jikkawża danni lil flus, assi u dokumenti li jkun qiegħed jieħu ħsieb;

(b)

huwa ma jistax jipprovdi dokumenti ta' appoġġ adegwati għall-ħlasijiet li għamel;

(ċ)

huwa jagħmel ħlasijiet lil persuni li mhumiex dawk intitolati għalihom;

(d)

huwa jonqos milli jiġbor id-dħul dovut.

KAPITOLU 5

Operazzjonijiet ta' dħul

Taqsima 1

Tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi tal-FEŻ

Artikolu 57

1.   Skond l-Artikolu 7 tal-Ftehim Intern, il-limitu għall-ammont annwali tal-kontribuzzjonijiet għas-sena n + 2 u l-ammont annwali tal-kontribuzzjoni għas-sena n + 1 għandu jkun iddeterminat skond il-proċedura stabbilita fil-paragrafi 2 sa 7. Il-kontribuzzjonijiet annwali għandhom jitħallsu fi tliet pagamenti. Dawn għandhom ikunu ddeterminati skond il-proċedura stabbilita fil-paragrafi 2 sa 7.

2.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta sal-15 ta' Ottubru tas-sena n, li jkun fiha:

il-limitu massimu għall-ammont annwali tal-kontribuzzjoni għas-sena n + 2;

l-ammont annwali tal-kontribuzzjoni għas-sena n + 1;

l-ammont ta' l-ewwel ħlas tal-kontribuzzjoni għas-sena n + 1.

Il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar din il-proposta sal-15 ta' Novembru tas-sena n.

L-Istati Membri għandhom iħallsu l-ewwel pagament tal-kontribuzzjoni għas-sena n + 1 mhux aktar tard mill-21 ta' Jannar tas-sena n + 1.

3.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta sal-15 ta' Ġunju tas-sena n + 1, li jkun fiha:

ammont tat-tieni pagament tal-kontribuzzjoni għas-sena n + 1;

ammont annwali rivedut tal-kontribuzzjoni għas-sena n + 1 f'konformità mal-ħtiġijiet attwali, jekk, skond l-artikolu 7(3) tal-Ftehim Intern, l-ammont annwali ma jibqax jikkorrispondi għal ħtiġijiet attwali.

Il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar il-proposta l-aktar tard sa 21 jum kalendarju wara l-preżentazzjoni mill-Kummissjoni tal-proposta tagħha.

L-Istati Membri għandhom iħallsu t-tieni pagament l-aktar tard sa 21 jum kalendarju wara li d-deċiżjoni tal-Kunsill tkun ġiet innotifikata lilhom.

4.   Sal-15 ta' Ġunju tas-sena n + 1, il-Kummissjoni, b'kont meħud tal-previżjonijiet tal-BEI rigward l-amministrazzjoni u l-operazzjoni tal-Faċilità ta' l-Investiment, inklużi s-sussidji tar-rati ta' l-interessi, għandha tistabbilixxi u tikkomunika lill-Kunsill dikjarazzjoni ta' l-impenji, il-pagamenti u l-ammont annwali ta' sejħiet għall-kontribuzzjonijiet magħmula fis-sena n u li għandhom isiru fis-sena n + 1 u n + 2. Dawn l-ammonti għas-sena n + 1 u n + 2 għandhom ikunu bbażati fuq il-kapaċità li l-livell ta' riżorsi propost jitwassal b'mod effettiv.

5.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta sa l-10 ta' Ottubru tas-sena n + 1, li jkun fiha:

it-tielet ħlas tal-kontribuzzjoni annwali għas-sena n + 1;

ammont annwali rivedut tal-kontribuzzjoni għas-sena n + 1 f'konformità mal-ħtiġijiet attwali, jekk, skond l-artikolu 7(3) tal-Ftehim Intern, l-ammont annwali ma jibqax jikkorrispondi għal ħtiġijiet attwali.

Il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar il-proposta mhux aktar tard minn 21 jum tal-kalendarju wara l-preżentazzjoni mill-Kummissjoni tal-proposta tagħha.

L-Istati Membri għandhom iħallsu t-tielet pagament mhux aktar tard minn 21 jum tal-kalendarju wara li d-deċiżjoni tal-Kunsill tkun ġiet innotifikata lilhom.

6.   Is-somma tal-pagamenti relatata ma' sena partikolari ma tistax teċċedi l-ammont annwali tal-kontribuzzjoni annwali ddeterminat għal dik is-sena. L-ammont annwali tal-kontribuzzjoni ma jistax jeċċedi l-limitu ddeterminat għal dik is-sena. Il-limitu ma jistax jiżdied ħlief skond l-artikolu 7(4) tal-Ftehim Intern. Żieda possibbli tal-limitu għandha tkun parti mill-proposti msemmija skond il-paragrafi 2 sa 5 ta' hawn fuq.

7.   Il-limitu għall-ammont annwali tal-kontribuzzjoni għas-sena n + 2, l-ammont annwali tal-kontribuzzjoni għas-sena n + 1 u l-pagamenti tal-kontribuzzjonijiet għandhom jispeċifikaw, skond l-Artikoli 1 sa 5:

(a)

l-ammont amministrat mill-Kummissjoni u

(b)

l-ammont amministrat mill-BEI, inklużi s-sussidji tar-rati ta' l-interessi.

Artikolu 58

1.   Il-ħlasijiet li għandhom jitħallsu minn kull Stat Membru u li jissemmew fl-Artikolu 57 għandhom jiġu stabbiliti b'tali mod li jkunu proporzjonali għall-kontribuzzjonijiet Ta' l-Istat għall-FEŻ kif stabbilit fl-Artikolu 1(2) tal-Ftehim Intern.

2.   Is-sejħiet għall-kontribuzzjonijiet l-ewwel għandhom jużaw l-ammonti stabbiliti tal-FEŻ preċedenti, f'ordni kronoloġiku.

Artikolu 59

1.   Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji ta' l-Istati Membri għandhom jiġu espressi f'euro.

2.   Kull Stat Membru għandu jħallas l-ammont tal-kontibut tiegħu f'euro.

3.   Fir-rigward ta' l-ammont dovut lill-Kummissjoni skond (a) l-Artikolu 57(7), il-kontribuzzjonijiet finanzjarji għandhom jiġu kreditati minn kull Stat Membru f'kont speċjali bl-isem “Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej – Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp” miftuħ mal-bank tal-ħruġ ta' dak l-Istat Membru jew ma' l-istituzzjoni finanzjarja magħżula minnu. L-ammont ta' tali kontribuzzjonijiet għandu jibqa' f'dawk il-kontijiet speċjali sakemm ikun hemm il-ħtieġa li jsiru l-ħlasijiet previsti fl-Artikolu 37 ta' l-Anness IV għall-Ftehim AKP-KE jew fil-miżuri li jimplimentaw id-Deċiżjoni dwar Assoċjazzjoni lil hinn mill-Baħar.

Fir-rigward ta' l-ammont dovut lill-BEI skond il-punt (b) ta' l-Artikolu 57(7), l-interessi fuq il-ħlas tard għandhom jiġu kreditati lill-BEI.

Fejn ikun meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tipprovdi assistenza teknika adegwata fl-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill imsemmija fl-Artikolu 57.

Artikolu 60

1.   Fejn rata ta' kontribuzzjonijiet pagabbli skond dan l-Artikolu ma titħallasx sa l-iskadenza kkonċernata stabbilita fil-paragrafi 2 sa 5 ta' l-Artikolu 57, l-Istat Membru kkonċernat jista' jkun mitlub li jħallas l-interessi fir-rigward ta' l-ammont mhux imħallas..

2.   L-interessi għall-ammonti mhux imħallsa għandhom jiġu imposti b'rata ta' żewġ punti perċentwali 'l fuq mir-rata ta' l-interessi applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta' rifinanzjament prinċipali tiegħu fl-ewwel jum tax-xogħol tax-xahar li fih l-ammont ikun dovut, kif ippubblikat fis-serje C tal-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Dik ir-rata għandha tiżdied bi kwart ta' punt perċentwali għal kull xahar ta' dewmien.

L-interessi għandhom ikunu pagabbli għall-perijodu kollu tad-dewmien u għandhom jiġu kkalkulati mill-ewwel jum tal-kalendarju wara l-iskadenza għall-ħlas tar-rata kkonċernata.

3.   Fir-rigward ta' l-ammont dovut lill-Kummissjoni skond il-punt (a) ta' l-Artikolu 57(7), l-interessi fuq il-ħlas tard għandhom jiġu kreditati f'wieħed mill-kontijiet previsti fl-Artikolu 1(6) tal-Ftehim Intern.

Fir-rigward ta' l-ammont dovut lill-BEI skond il-punt (b) ta' l-Artikolu 57(7), l-interessi fuq il-ħlas tard għandhom jiġu kreditati lill-BEI.

Artikolu 61

Ma' l-iskadenza tal-protokoll finanzjarju stabbilit fl-Anness Ib għall-Ftehim AKP-KE, dik il-parti tal-kontribuzzjonijiet li l-Istati Membri jibqgħu obbligati jħallsu skond l-Artikolu 57 għandha tintalab mill-Kummissjoni, jekk ikun meħtieġ, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament.

Taqsima 2

Stimi ta' l-ammonti li jistgħu jinġabru

Artikolu 62

1.   L-uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni responsabbli għandu l-ewwel jagħmel stima ta' l-ammont li jista' jinġabar fir-rigward ta' kwalunkwe miżura jew sitwazzjoni li tista' tagħti lok għal jew temenda ammont dovut lill-FEŻ.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-ebda stima ta' l-ammont li jista' jinġabar m'għandha ssir qabel ma l-Istati Membri jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni l-ammonti tal-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-FEŻ, kif iddefiniti fl-Artikoli 57 u 58. L-uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni responsabbli għandu joħroġ ordni ta' rkupru fir-rigward ta' dawk l-ammonti.

3.   L-Artikoli 77 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002 għandu japplika mutatis mutandis għall-implimentazzjoni tal-paragrafu 1.

Taqsima 3

Stabbiliment ta' l-ammonti li jistgħu jinġabru

Artikolu 63

1.   L-istabbiliment ta' ammont li jista' jinġabar hija l-azzjoni li biha l-uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni b'delega jew b'subdelega:

(a)

jivverifika li d-dejn jeżisti;

(b)

jiddetermina jew jivverifika r-realtà u l-ammont tad-dejn;

(ċ)

jivverifika l-kondizzjonijiet li fihom ikun dovut id-dejn.

2.   Ir-riżorsi tal-FEŻ li tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni u kwalunkwe ammont li jista' jinġabar li jiġi identifikat bħala ċert, ta' ammont fiss u dovut għandu jkun stabbilit b'ordni għall-irkupru lill-uffiċjal tal-kontabbiltà segwit minn nota ta' debitu mibgħuta lid-debitur, it-tnejn li huma mħejjija mill-uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni responsabbli.

3.   L-ammonti li jitħallsu bi żball għandhom jiġu rkuprati.

4.   L-Artikolu 86 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002 għandu japplika mutatis mutandis fir-rigward tal-kondizzjonijiet li fihom l-interessi fuq il-ħlasijiet tard ikunu dovuti lill-FEŻ.

Taqsima 4

Awtorizzazzjoni ta' l-irkupru

Artikolu 64

1.   L-awtorizzazzjoni ta' l-irkupru hija dak l-att li bih l-uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni responsabbli b'delega jew b'subdelega jagħti struzzjonijiet lill-uffiċjal tal-kontabbiltà, billi joħroġ ordni għall-irkupru, sabiex jirkupra ammont li jista' jinġabar li huwa jkun stabilixxa.

2.   Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet ta' l-Istati AKP jew tal-PTB, il-Kummissjoni tista' tistabbilixxi formalment ammont bħala li jista' jinġabar mingħand persuni li ma jkunux Stati permezz ta' deċiżjoni li għandha tkun infurzabbli fl-istess kondizzjonijiet kif ġie stabbilit fl-Artikolu 256 tat-Trattat.

3.   L-Artikoli 81 u 84 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002 għandu japplika mutatis mutandis għall-implimentazzjoni tal-paragrafi 1 u 2.

Taqsima 5

Rkupru

Artikolu 65

1.   L-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jaġixxi fuq ordnijiet għall-irkupru għal ammonti li jistgħu jinġabru li jkunu ġew iddeterminati b'mod xieraq mill-uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni responsabbli. Huwa għandu jeżerċita d-diliġenza adegwata sabiex jiżgura li l-FEŻ jirċievi d-dħul tiegħu u għandu jiżgura li d-drittijiet tiegħu jiġu salvagwardjati.

2.   L-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jirkupra l-ammonti billi jpaċihom ma' talbiet ekwivalenti li l-FEŻ jew il-Komunità jkollhom kontra kwalunkwe debitur li huwa stess ikollu pretensjoni fuq il-FEŻ jew fuq il-Komunità li tkun ċerta, ta' ammont fiss u dovuta.

3.   Fir-rigward ta' l-operazzjonijiet ta' xogħol dirett u l-operazzjonijiet deċentralizzati indiretti msemmija fit-Titolu VI, fejn pretensjonijiet mill-FEŻ fuq l-Uffiċjal ta' l-Awtorizzazzjoni Nazzjonali ma jiġux irkuprati fil-limiti taż-żmien preskritti, l-uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni responsabbli għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jikseb ħlas lura effettiv tas-somom dovuti, inkluża, fejn ikun xieraq, is-sospensjoni ta' l-użu ta' dak it-tip ta' arranġament għal dak l-Istat jew PTB.

4.   Fejn l-uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni b'delega qiegħed jippjana li jirrinunzja jew li jirrinunzja parzjalment għall-irkupru ta' ammont stabbilit li jista' jinġabar, huwa għandu jiżgura li r-rinunzja tkun kif suppost u tikkonforma mal-prinċipji ta' amministrazzjoni finanzjarja tajba u ta' proporzjonalità. Id-deċiżjoni tar-rinunzja għandha tiġi sostanzjata. L-uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni jista' jiddelega d-deċiżjoni biss skond ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002.

5.   L-uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni jista' jikkanċella jew jaġġusta ammont stabbilit li jista' jinġabar.

6.   Id-drittijiet tal-FEŻ rigward partijiet terzi u d-drittijiet ta' partijiet terzi rigward il-FEŻ għandhom ikunu suġġetti għal perijodu ta' limitazzjoni ta' ħames snin.

7.   L-Artikoli 82 sa 85 u 87 sa 89 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-implimentazzjoni tal-paragrafi 1 sa 6.

KAPITOLU 6

Operazzjonijiet tan-nefqa

Taqsima 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 66

Kull element tan-nefqa għandu jiġi impenjat, validat, awtorizzat u mħallas.

Taqsima 2

Impenn tan-nefqa

Artikolu 67

L-impenn tan-nefqa għandu jiġi preċedut minn deċiżjoni ta' finanzjament adottata mill-Kummissjoni jew mill-awtoritajiet li lilhom il-Kummissjoni tkun iddelegat is-setgħat.

Artikolu 68

1.   L-impenn finanzjarju mill-Kummissjoni hija l-operazzjoni li tirriżerva l-fondi meħtieġa sabiex tkopri l-ħlasijiet sussegwenti sabiex tonora impenn legali.

2.   L-impenn legali mill-Kummissjoni hu l-att li bih l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli jidħol fi jew jistabbilixxi obbligu fir-rigward ta' partijiet terzi li jista' jirriżulta f'nefqa imposta fuq il-FEŻ.

3.   L-impenn finanzjarju u l-impenn legali għandhom jiġu adottati mill-istess uffiċjal awtorizzanti. Dik ir-regola tista' tiġi rrinunzjata fil-każi li ġejjin:

(a)

nefqa amministrattiva li saret mill-Kummissjoni fis-sens ta' l-Artikolu 69(3) li fir-rigward tagħha l-impenji finanzjarji ġew diviżi skond l-Artikolu 69(2);

(b)

impenji globali li jkollhom x'jaqsmu ma' ftehim finanzjarji skond l-Artikolu 70(3).

Artikolu 69

1.   L-impenn finanzjarju tal-Kummissjoni jkun individwali meta l-benefiċjarju u l-ammont tan-nefqa jkunu magħrufa.

L-impenn finanzjarju tal-Kummissjoni jkun globali meta mill-inqas wieħed mill-elementi meħtieġa sabiex ikun identifikat l-impenn individwali jkun għadu mhux magħruf.

2.   L-impenji finanzjarji għan-nefqa amministrattiva tal-Kummissjoni jistgħu jiġu diviżi tul diversi snin f'rati annwali. L-impenji legali korrispondenti għandhom jipprovdu għal dik id-diviżjoni.

3.   Dawn li ġejjin għandhom jitqiesu bħala nefqa amministrattiva għall-finijiet tal-punt (a) tat-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 68 u tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu:

(a)

in-nefqa għar-riżorsi umani li ma jkunux il-persunal regolari;

(b)

in-nefqa għat-taħriġ;

(ċ)

l-ispejjeż tal-missjoni;

(d)

l-ispejjeż ta' rappreżentanza;

(e)

l-ispejjeż tal-laqgħat;

(f)

l-ispejjeż relatati ma' interpreti u/jew tradutturi li jaħdmu għal rashom;

(g)

l-ispejjeż relatati ma' l-iskambji ta' l-uffiċjali;

(h)

l-ispiża tal-kirjiet rikorrenti tal-proprjetà mobbli u immobbli;

(i)

l-ispiża ta' diversi forom ta' assigurazzjoni;

(j)

l-ispiża tat-tindif u tal-manutenzjoni;

(k)

l-ispejjeż relatati ma' l-użu tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni;

(l)

l-ispiża ta' l-ilma, tal-gass u ta' l-elettriku;

(m)

in-nefqa għall-pubblikazzjonijiet perjodiċi.

Artikolu 70

1.   L-uffiċjal awtorizzanti responsabbli għandu jagħmel impenn finanzjarju qabel ma jidħol f'impenn legali, li jorbot lill-Kummissjoni, ma' partijiet terzi.

2.   Id-deċiżjonijiet dwar il-finanzjament meħuda mill-Kummissjoni, skond il-Ftehim AKP-KE jew id-Deċiżjoni ta' Assoċjazzjoni lil hinn mill-Baħar, li jawtorizzawha tagħti għajnuna finanzjarja mill-FEŻ, għandhom jagħtu bidu għal impenji finanzjarji mill-Kummissjoni.

3.   Dawn li ġejjin għandhom jikkostitwixxu impenji legali min-naħa tal-Kummissjoni:

(a)

ftehim ta' finanzjament bejn il-Kummissjoni, li taġixxi f'isem il-Komunità, u l-Istati AKP benefiċjarji jew il-PTB benefiċjarji jew il-korpi li għażlu;

(b)

kuntratt jew ftehim ta' għotja bejn il-Kummissjoni u l-korpi tas-settur pubbliku nazzjonali jew internazzjonali jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jkunu responsabbli mit-twettiq ta' l-azzjonijiet.

4.   Kull ftehim ta' finanzjament, kuntratt jew ftehim ta' għotja għandu jipprevedi b'mod espliċitu li l-Kummissjoni, l-OLAF u l-Qorti ta' l-Awdituri, jeżerċitaw is-setgħat ta' kontroll tagħhom, fuq id-dokumenti u fil-post, fuq il-kuntratturi u s-subkuntratturi kollha li jkunu ngħataw finanzjament minn riżorsi tal-FEŻ.

Artikolu 71

Meta jkun qed jadotta impenn finanzjarju, l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli għandu jiżgura dan li ġej:

(a)

li n-nefqa tkun ġiet attribwita lill-element korrett tal-kontabbiltà;

(b)

li l-fondi jkunu disponibbli;

(ċ)

li n-nefqa hija skond id-dispożizzjonijiet rilevanti, partikolarment tal-Ftehim AKP-KE, tad-Deċiżjoni ta' Assoċjazzjoni lil hinn mill-Baħar, tal-Ftehim Intern, ta' dan ir-Regolament, u ta' l-atti kollha adottati fl-implimentazzjoni ta' dawk id-dispożizzjonijiet;

(d)

li jkun hemm konformità mal-prinċipju ta' amministrazzjoni finanzjarja tajba.

Artikolu 72

Meta jiġi reġistrat impenn legali, l-uffiċjal awtorizzanti għandu jiżgura dan li ġej:

(a)

li l-impenn ikun kopert mill-impenn finanzjarju korrispondenti;

(b)

li n-nefqa tkun regolari u skond id-dispożizzjonijiet rilevanti, partikolarment tal-Ftehim AKP-KE, tad-Deċiżjoni ta' Assoċjazzjoni lil hinn mill-Baħar, tal-Ftehim Intern, ta' dan ir-Regolament, u ta' l-atti kollha adottati fl-implimentazzjoni ta' dawk id-dispożizzjonijiet;

(ċ)

li jiġi rispettat il-prinċipju ta' amministrazzjoni finanzjarja tajba.

Taqsima 3

Impenn tan-nefqa taħt amministrazzjoni ċentralizzata jew konġunta

Artikolu 73

Fejn ir-riżorsi tal-FEŻ jiġu amministrati mill-Kummissjoni fuq bażi ċentralizzata jew konġunta, l-impenn tan-nefqa għandu jkun suġġett għad-dispożizzjonijiet ta' din it-Taqsima.

Artikolu 74

1.   L-impenji legali relatati ma' impenji finanzjarji individwali għandhom jiġu konklużi mill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru tas-sena N, fejn is-sena N tkun is-sena li fiha l-impenn finanzjarju individwali tal-Kummissjoni jkun ġie adottat, bla ħsara għall-Artikolu 68(3).

2.   Bħala regola ġenerali, l-impenji finanzjarji globali għandhom ikopru l-ispiża totali ta' l-impenji legali individwali korrispondenti li ġew konklużi mill-Kummissjoni sal-31 ta' Diċembru tas-sena N + 1, fejn is-sena N tkun is-sena li fiha l-impenn finanzjarju globali tal-Kummissjoni jkun ġie adottat, bla ħsara għall-Artikolu 68(3).

Madankollu, fejn l-impenji globali msemmija fil-punt (a) ta' l-Artikolu 70(3) jiġu implimentati, il-Kummissjoni għandha tikkonkludi il-kuntratti u l-ftehim individwali korrispondenti sa mhux aktar tard minn tliet snin wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta' finanzjament.

Il-kuntratti u l-ftehim individwali relatati ma' verifika u ma' evalwazzjoni jistgħu jiġu konklużi aktar tard. Klawżoli addizzjonali ma' kuntratti li diġà ġew konklużi jistgħu wkoll jiġu konklużi aktar tard.

Fi tmiem il-perijodii msemmija fil-paragrafu 1 u fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi ta' dan il-paragrafu, l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli għandu jxolji mill-impenn il-bilanċ li ma ntużax ta' dawk l-impenji finanzjarji.

Artikolu 75

1.   L-ammont ta' kull impenn legali individwali li ġie adottat mill-Kummissjoni wara impenn globali għandu, qabel il-firem, jiġi reġistrat fil-kontabbiltà tal-FEŻ u jiddaħħal ma' l-impenn finanzjarju globali mill-uffiċjal awtorizzanti responsabbli.

2.   L-impenji legali li wieħed jidħol għalihom għal azzjonijiet li jestendu tul aktar minn sena finanzjarja waħda u l-impenji finanzjarji korrispondenti għandu jkollhom data finali għall-implimentazzjoni li tkun iffissata skond il-prinċipju ta' amministrazzjoni finanzjarja tajba, ħlief fil-każ tan-nefqa amministrattiva msemmija fl-Artikolu 69(3).

Kwalunkwe parti minn tali impenji li ma tkunx ġiet imwettqa sitt xhur wara dik id-data għandha tiġi xolta mill-impenn u l-approprazzjonijiet korrispondenti għandhom jiġu kkanċellati.

L-ammont ta' impenn finanzjarju li jikkorrispondi għal impenn legali fejn ma sar l-ebda ħlas għalih f'perijodu ta' tliet snin wara l-iffirmar ta' l-impenn legali għandu jiġi xolt mill-impenn u l-approprjazzjonijiet korrispondenti għandhom jiġu kkanċellati.

3.   Il-paragrafu 2 għandu japplika mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet li l-Kunsill jista' jadotta skond l-Artikoli 96 u 97 tal-Ftehim AKP-KE.

Artikolu 76

It-terminazzjoni ta' proġett u x-xoljiment mill-impenn tal-fondi impenjati skond l-Artikoli 73, 74 u 75 għandhom jitwettqu meta l-impenji legali li daħlet għalihom il-Kummissjoni f'konnessjoni ma' dak il-proġett fir-rigward tal-partijiet terzi jiġu konklużi u l-ħlasijiet relatati u l-ammonti miġbura jkunu ġew irreġistrati fil-kontijiet tal-FEŻ.

Taqsima 4

Impenn tan-nefqa taħt amministrazzjoni deċentralizzata

Artikolu 77

Fejn ir-riżorsi tal-FEŻ ikunu amministrati fuq bażi deċentralizzata, l-impenn tan-nefqa tal-Kummissjoni għandu jkun suġġett għad-dispożizzjonijiet ta' din it-Taqsima.

Artikolu 78

1.   Il-ftehim ta' finanzjament ma' l-Istati AKP jew mal-PTB benefiċjarji għandhom jiġu konklużi sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru tas-sena N + 1, fejn N tkun is-sena li fiha jkun ġie adottat l-impenn finanzjarju globali tal-Kummissjoni.

Fejn il-ftehim ta' finanzjament ma jiġux konklużi sa l-iskadenza stabbilita fl-ewwel subparagrafu, l-approprazzjonijiet korrispondenti għandhom jiġu kanċellati.

2.   Il-Kummissjoni għandha tkun obbligata li tagħmel ħlas mir-riżorsi tal-FEŻ kulmeta l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli jendorsja kuntratti, ftehim ta' għotja u stimi ta' programmi, kif previst fl-Artikolu 101(3).

L-uffiċjal awtorizzanti responsabbli għandu jirreġistra fil-kontabbiltà tal-FEŻ, qabel l-iffirmar bħala endorsjar, l-ammont ta' kull impenn legali individwali li huwa jkun endorsja wara impenn globali. Huwa għandu jdaħħal dan l-ammont ma' l-impenn finanzjarju globali.

3.   Il-paragrafu 1 għandu japplika mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet li l-Kunsill jista' jadotta skond l-Artikoli 96 u 97 tal-Ftehim AKP-KE.

Artikolu 79

Skond il-prinċipju ta' amministrazzjoni finanzjarja tajba msemmi fl-Artikolu 11 u filwaqt li taġixxi fi ħdan is-setgħat tagħha, il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha sabiex tiżgura li:

(a)

l-impenji legali li jimplimentaw il-ftehim ta' finanzjament imsemmija fl-Artikolu 78 (1) jiġu konklużi sa mhux aktar tard minn tliet snin wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta' finanzjament korrispondenti. Kuntratti individwali u ftehim relatati ma' verifika u evalwazzjoni, kif ukoll klawżoli addizzjonali ta' kuntratti li huma diġà konklużi, jistgħu jkunu konklużi aktar tard;

(b)

l-ammont ta' impenn ta' finanzjament individwali li jikkorrispondi għal impenn legali li jimplimenta l-ftehim ta' finanzjament imsemmi fl-Artikolu 78 (1) u li għalih ma sar l-ebda ħlas għalih f'perijodu ta' tliet snin wara l-iffirmar ta' l-impenn legali għandu jkun xolt mill-impenn.

Fi tmiem kwalunkwe skadenza ffissata fil-ftehim ta' finanzjament għall-konklużjoni ta' l-impenji legali msemmija fil-punt (a) ta' l-ewwel subparagrafu, l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli għandu jxolji mill-impenn il-bilanċ li ma ntużax ta' l-impenji finanzjarji korrispondenti.

L-impenji legali kif imsemmija fil-punt (b) ta' l-ewwel subparagrafu għandhom ikunu kuntratti, ftehim ta' għotja jew stimi ta' programmi li ġew konklużi mill-Istat AKP jew mill-PTB jew mill-awtoritajiet tiegħu jew kuntratti u ftehim ta' għotja li ġew konklużi mill-Kummissjoni li tkun qed taġixxi f'isimhom u għan-nom tagħhom. Għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' dan is-subparagrafu, bi ftehim ma' l-Istati AKP u mal-PTB benefiċjarji, il-Kummissjoni għandha tinkorpora d-dispożizzjonijiet rilevanti fil-ftehim ta' finanzjament imsemmija fl-Artikolu 78(1).

Artikolu 80

It-terminazzjoni ta' proġett u x-xoljiment mill-impenn tal-fondi impenjati skond l-Artikoli 78 u 79 għandhom jitwettqu mill-Istat AKP jew mill-PTB jew mill-awtoritajiet tiegħu, u/jew mill-Kummissjoni li tkun qed taġixxi f'isimhom u għan-nom tagħhom f'konnessjoni ma' dak il-proġett fir-rigward ta' partijiet terzi, wara l-konklużjoni ta' l-impenji legali li jkunu daħlu għalihom u wara li l-ħlasijiet u l-ammonti miġbura relatati jkunu ġew irreġistrati fil-kontabbiltà tal-FEŻ.

Taqsima 5

Validazzjoni tan-nefqa

Artikolu 81

1.   Il-validazzjoni tan-nefqa hija l-att li bih l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli:

(a)

jivverifika l-eżistenza tad-dritt tal-kreditur;

(b)

jiddetermina jew jivverifika r-realtà u l-ammont tat-talba;

(ċ)

jivverifika l-kondizzjonijiet li fihom huwa dovut il-ħlas.

2.   L-Artikoli 97 u 101 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-validazzjoni ta' l-infiq.

Taqsima 6

Awtorizzazzjoni tan-nefqa

Artikolu 82

1.   L-awtorizzazzjoni tan-nefqa hija l-att li bih l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli, wara li jkun ivverifika li l-fondi jkunu disponibbli u billi joħroġ ordni għall-ħlas, jagħti struzzjoni lill-uffiċjal tal-kontabbiltà sabiex iħallas ammont tan-nefqa li huwa jkun ivvalida.

2.   Fejn isiru ħlasijiet perjodiċi fir-rigward tas-servizzi mogħtija, inklużi s-servizzi ta' kiri jew ta' merkanija konsenjata, u bla ħsara għall-analiżi tar-riskju tiegħu, l-uffiċjal awtorizzanti jista' jordna l-applikazzjoni ta' sistema ta' debitu dirett.

3.   L-Artikoli 102 u 103 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu.

Taqsima 7

Ħlas tan-nefqa

Artikolu 83

1.   Il-ħlas għandu jsir biss wara li tintwera xhieda li l-azzjoni rilevanti hija skond l-att bażiku jew il-kuntratt. Il-ħlas għandu jkopri operazzjoni waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a)

il-ħlas ta' l-ammont kollu dovut;

(b)

il-ħlas ta' l-ammonti dovuti bi kwalunkwe wieħed mill-modi li ġejjin:

(i)

pre-finanzjament, li jista' jiġi diviż f'numru ta' ħlasijiet,

(ii)

ħlas interim wieħed jew iżjed,

(iii)

ħlas tal-bilanċ ta' l-ammonti dovuti.

2.   Fil-kontabbiltà għandha ssir distinzjoni bejn it-tipi ta' ħlas differenti msemmija fil-paragrafu 1 fiż-żmien li jsiru.

3.   L-Artikoli 104 u 105 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002 għandhom japplikaw mutatis mutandis.

Artikolu 84

Il-ħlas tan-nefqa għandu jsir mill-uffiċjal tal-kontabbiltà fil-limiti tal-fondi disponibbli.

Artikolu 85

Il-ħlasijiet għandhom isiru permezz tal-kontijiet bankarji msemmija fl-Artikolu 44. Ir-regoli ddettaljati għall-ftuħ, għall-amministrazzjoni u għall-użu ta' tali kontijiet għandhom jiġu determinati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà.

B'mod partikolari, dawk ir-regoli għandhom jeħtieġu il-firem konġunti fuq l-ordnijiet għat-trasferiment u fuq il-ħlasijiet bankarji kollha ta' żewġ membri tal-persunal li ġew awtorizzati debitament mill-uffiċjal tal-kontabbiltà.

Artikolu 86

Għall-ħlasijiet magħmula mill-amministratur tal-ħlas, l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli għandu jiżgura li l-kontrolli jitwettqu qabel l-eżekuzzjoni tagħhom.

Taqsima 8

Limiti ta' żmien għall-operazzjonijiet ta' nfiq

Artikolu 87

1.   Il-validazzjoni, l-awtorizzazzjoni u l-ħlas tan-nefqa għandhom jitlestew f'perijodu ta' mhux iżjed minn 90 jum mid-data meta jkun dovut il-ħlas. L-uffiċjal awtorizzanti nazzjonali jew reġjonali għandu jawtorizza n-nefqa u jinnotifika lill-uffiċjal awtorizzanti responsabbli tal-Kummissjoni b'dan sa mhux aktar minn 45 jum qabel ma jiskadi l-limitu ta' żmien.

2.   Il-kredituri li jitħallsu tard huma intitolati jirċievu l-interessi għad-dewmien skond l-Artikolu 106 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002.

3.   Il-pretensjonijiet għal ħlasijiet tard li għalihom hija responsabbli l-Kummissjoni skond l-Artikolu 37 ta' l-Anness IV għall-Ftehim AKP-KE għandhom jitħallsu mill-Kummissjoni mill-kont jew mill-kontijiet previsti fl-Artikolu 1(6) tal-Ftehim Intern.

KAPITOLU 7

Sistemi ta' it

Artikolu 88

1.   Fejn l-operazzjonijiet ta' dħul u nfiq jkunu amministrati permezz ta' sistemi tal-kompjuter, id-dokumenti jistgħu jiġu ffirmati permezz ta' proċedura kompjuterizzata jew elettronika.

2.   L-Artikoli 107 u 108 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu.

KAPITOLU 8

Awditur intern

Artikolu 89

L-awditur intern tal-FEŻ għandu jkun l-awditur intern tal-Kummissjoni. Huwa għandu jwettaq dmirijietu skond l-istandards internazzjonali rilevanti. Huwa għandu jagħti kont lill-Kummissjoni għall-verifika tat-tħaddim xieraq tas-sistemi u tal-proċeduri għall-implimentazzjoni tar-riżorsi tal-FEŻ amministrati mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 2. L-awditur intern la jista' jkun uffiċjal awtorizzanti u lanqas uffiċjal tal-kontabbiltà.

Artikolu 90

1.   L-awditur intern għandu jagħti parir lill-Kummissjoni dwar kif għandha tittratta r-riskji, billi joħroġ opinjonijiet indipendenti dwar il-kwalità tas-sistemi ta' amministrazzjoni u ta' kontroll u billi joħroġ rakkomandazzjonijiet għat-titjib tal-kondizzjonijiet ta' l-implimentazzjoni ta' l-operazzjonijiet u għall-promozzjoni ta' amministrazzjoni finanzjarja tajba.

B'mod partikolari, huwa għandu jkun responsabbli sabiex:

(a)

jivvaluta kemm huma adatti u effettivi s-sistemi ta' amministrazzjoni interna u l-prestazzjoni tad-dipartiment fl-implimentazzjoni tal-linji politiċi, tal-programmi u ta' l-azzjonijiet b'referenza għar-riskji assoċjati magħhom;

(b)

jivvaluta l-effiċjenza u l-effikaċja tas-sistemi ta' kontroll intern u ta' verifika interna applikabbli għal kull operazzjoni għall-implimentazzjoni tar-riżorsi tal-FEŻ.

2.   L-awditur intern għandu jgawdi minn aċċess sħiħ u mingħajr limiti għall-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex iwettaq dmirijietu, jekk ikun meħtieġ fuq il-post stess, inkluż fl-Istati Membri u f'pajjiżi terzi.

3.   L-awditur intern għandu jirrapporta lill-Kummissjoni dwar dak li jsib u dwar ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li tittieħed azzjoni fuq ir-rakkomandazzjonijiet li jirriżultaw mill-verifiki. L-awditur intern għandu wkoll iressaq quddiem il-Kummissjoni rapport annwali ta' verifika interna li jindika n-numru u t-tip ta' verifiki mwettqa, ir-rakkomandazzjonijiet li saru u l-azzjoni meħuda fuq dawk ir-rakkomandazzjonijiet.

4.   Kull sena, il-Kummissjoni għandha tgħaddi lill-awtorità ta' kwittanza rapport li jiġbor fil-qosor in-numru u t-tip ta' verifiki interni mwettqa, ir-rakkomandazzjonijiet li saru u l-azzjoni meħuda fuq dawk ir-rakkomandazzjonijiet.

5.   L-Artikoli 109 u 115 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu.

TITOLU V

AKKWIST

KAPITOLU 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

Taqsima 1

Ambitu u prinċipji ta' għotja

Artikolu 91

1.   Il-kuntratti pubbliċi huma kuntratti għal interess pekunjarju li ġew konklużi bil-miktub bejn operatur ekonomiku wieħed jew aktar u awtorità kontraenti waħda jew aktar fis-sens ta' l-Artikolu 92 sabiex jinkiseb, bil-ħlas ta' prezz imħallas kollu jew parzjalment mir-riżorsi tal-FEŻ, il-forniment ta' assi mobbli jew immobbli, it-twettiq tax-xogħlijiet jew il-forniment ta' servizzi.

Dawk il-kuntratti jinkludu:

(a)

kuntratti ta' forniment;

(b)

kuntratti ta' xogħlijiet;

(ċ)

kuntratti ta' servizz.

2.   Kuntratti qafas huma kuntratti konklużi bejn awtorità kontraenti waħda jew aktar u operatur ekonomiku wieħed jew aktar, li l-iskop tagħhom huwa li jiġu stabbiliti t-termini li jirregolaw il-kuntratti li għandhom jingħataw matul perijodu speċifiku, b'mod partikolari fir-rigward tal-prezz u, fejn xieraq, il-kwantità prevista. Huma għandhom ikunu rregolati mid-dispożizzjonijet ta' dan it-Titolu dwar il-proċedura ta' aġġudikazzjoni, inkluż ir-reklamar.

Artikolu 92

1.   Dawn li ġejjin għandhom ikunu awtoritajiet kontraenti għall-finijiet ta' dan it-Titolu:

(a)

l-Istati AKP benefiċjarji jew il-korpi b'mandat xieraq mingħandhom, inklużi wkoll il-korpi reġjonali uffiċjali, jew ir-rappreżentanti tagħhom;

(b)

il-Kummissjoni, fil-każ ta' kuntratti mogħtija f'isimha;

(ċ)

il-Kummissjoni, għan-nom ta' u f'isem Stat AKP benefiċjarju wieħed jew aktar;

(d)

korp nazzjonali jew internazzjonali tas-settur pubbliku jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi li ffirma ftehim ta' finanzjament jew ftehim ta' għotja ma' pajjiż AKP wieħed jew aktar jew mal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni ta' programm jew proġett.

2.   Il-proċeduri ta' akkwist għandhom jiġu stabbiliti fil-ftehim ta' finanzjament imsemmija fl-Artikolu 70(3).

Taqsima 2

Pubblikazzjoni

Artikolu 93

Fil-limiti tas-setgħat ikkonferiti lilha mill-Ftehim AKP-KE, u skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Anness IV tiegħu, il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi meħtieġa sabiex il-proċeduri internazzjonali ta' sejħiet għal offerti jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea u fuq l-Internet.

KAPITOLU 2

Proċeduri ta' akkwist

Artikolu 94

1.   Il-kondizzjonijiet għall-parteċipazzjoni u l-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti relatati ma' operazzjonijiet iffinanzjati mill-FEŻ sabiex tingħata għajnuna lill-Istati AKP għandhom ikunu dawk definiti fl-Anness IV għall-Ftehim AKP-KE.

Il-proċeduri għall-għoti tal-kuntratti relatati ma' operazzjonijiet iffinanzjati mill-FEŻ sabiex tingħata għajnuna lill-PTB għandhom ikunu definiti fil-miżuri li jimplimentaw id-Deċiżjoni ta' Assoċjazzjoni lil hinn mill-Baħar.

2.   Fejn il-Kummissjoni taġixxi bħala awtorità kontraenti għall-implimentazzjoni ta' għajnuna umanitarja jew għajnuna ta' emerġenza, fil-qafas tal-Ftehim AKP-KE jew tad-Deċiżjoni ta' Assoċjazzjoni lil hinn mill-Baħar, għandha tkun meħtieġa tikkonforma mar-regoli Komunitarji rilevanti dwar l-akkwist.

Artikolu 95

Id-dokumenti relatati mas-sejħiet għal offerti għandhom jagħtu deskrizzjoni sħiħa, ċara u preċiża tas-suġġett tal-kuntratt u għandhom jispeċifikaw il-kriterji ta' esklużjoni, għażla u għotja applikabbli għall-kuntratt.

Artikolu 96

1.   Il-kandidati jew dawk li jitfgħu l-offerti għandhom jiġu esklużi mill-parteċipazzjoni fil-proċeduri ta' akkwist jekk:

(a)

ikunu fallew jew għaddejjin minn proċedura ta' stralċ, in-negozju tagħhom qed jiġi amministrat mill-qrati, daħlu f'arranġament mal-kredituri, issospendew l-attivitajiet tan-negozju tagħhom, huma s-suġġett ta' proċeduri li jikkonċernaw dawn il-kwistjonijiet, jew huma fi kwalunkwe sitwazzjoni analoga li ġejja minn proċedura simili prevista fil-leġiżlazzjoni jew fir-regolamenti nazzjonali;

(b)

instabu ħatja ta' reat li jikkonċerna l-kondotta professjonali tagħhom permezz ta' sentenza li għandha s-saħħa ta' res iudicata;

(ċ)

instabu ħatja ta' kondotta professjonali ħażina serja li ġiet ippruvata bi kwalunkwe mezz li l-awtorità kontraenti tista' tiġġustifikah;

(d)

ma ssodisfawx l-obbligi relatati mal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jew mal-ħlas tat-taxxi skond id-dispożizzjonijiet legali tal-pajjiż fejn huma stabbiliti jew ma' dawk tal-pajjiż ta' l-awtorità kontraenti jew dawk tal-pajjiż fejn għandu jitwettaq il-kuntratt;

(e)

kienu s-suġġett ta' sentenza li għandha s-saħħa ta' res iudicata għal frodi, korruzzjoni, involviment f'organizzazzjoni krminali jew kwalunkwe attività illegali oħra li hija ta' ħsara għall-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet;

(f)

bħalissa huma suġġetti għal penali amministrattiva msemmija fl-Artikolu 99.

Il-punti (a) sa (d) ta' l-ewwel subparagrafu m'għandhomx japplikaw fil-każ ta' xiri ta' fornimenti b'termini partikolarment vantaġġjużi minn fornitur li definittivament qed jagħlaq l-attivitajiet tan-negozju tiegħu, jew minn riċevituri jew likwidaturi ta' falliment, permezz ta' arranġament ma' kredituri, jew permezz ta' proċedura simili skond il-liġi nazzjonali.

2.   Il-kandidati jew dawk li jitfgħu l-offerti għandhom jiċċertifikaw li mhumiex f'waħda mis-sitwazzjonijiet li ġew elenkati fil-paragrafu 1. Madankollu, l-awtorità kontraenti tista' toqgħod lura milli teħtieġ tali ċertifikazzjoni għal kuntratti ta' valur ferm baxx.

Għall-fini ta' l-applikazzjoni korretta tal-paragrafu 1, il-kandidat jew dak li jitfa' l-offerta, kulmeta jintalab mill-awtorità kontraenti, irid:

(a)

fejn il-kandidat jew dak li jitfa' l-offerta huwa entità legali, jipprovdi informazzjoni dwar id-dritt ta' proprjetà fuq jew l-amministrazzjoni, il-kontroll jew is-setgħa ta' rappreżentanza ta' l-entità legali;

(b)

fejn ikun previst l-għoti ta' subkuntratt, jiċċertifika li s-subkuntrattur mhux f'waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1.

3.   L-Artikoli 133 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002 għandu japplika mutatis mutandis għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 97

Kuntratt m'għandux jingħata lil kandidati jew dawk li jitfgħu offerti li, matul il-proċedura ta' akkwist għal dan il-kuntratt:

(a)

huma suġġetti għal konflitt ta' interess;

(b)

ikunu ħajta ta' qerq fil-forniment ta' l-informazzjoni meħtieġa mill-awtorità kontraenti bħala kondizzjoni għall-parteċipazzjoni fil-proċedura ta' akkwist jew jonqsu milli jipprovdu din l-informazzjoni;

(ċ)

isibu ruħhom f'waħda mis-sitwazzjonijiet ta' esklużjoni, imsemmija fl-Artikolu 96(1), għal din il-proċedura ta' akkwist.

Artikolu 98

Fil-limiti tas-setgħat ikkonferiti lilha mill-Ftehim AKP-KE, il-Kummissjoni għandha tieħu passi sabiex tuża d-database ċentrali stabbilita skond ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 u li fiha dettalji tal-kandidati u ta' dawk li tefgħu l-offerti li, skond ir-regoli definiti fl-Annes IV għall-Ftehim AKP-KE, jinsabu f'sitwazzjoni li teskludihom mill-parteċipazzjoni fi proċeduri għall-għoti ta' kuntratti relatati ma' operazzjonijiet iffinanzjati mill-FEŻ.

Artikolu 99

1.   Bla ħsara għall-Anness IV għall-Ftehim AKP-KE, l-awtorità kontraenti tista' timponi penali amministrattivi jew finanzjarji fuq dawn li ġejjin:

(a)

kandidati jew dawk li jitfgħu l-offerti fil-każi msemmija fil-punt (b) ta' l-Artikolu 97;

(b)

kuntratturi li ġew iddikjarati bħala li kisru b'mod serju l-obbligi tagħhom taħt kuntratti koperti mill-FEŻ.

Madanakollu, fil-każi kollha, l-awtorità kontraenti l-ewwel trid tagħti lill-persuna kkonċernata opportunità sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha.

2.   Il-penali msemmija fil-paragrafu 1 iridu jkunu proporzjonati għall-importanza tal-kuntratt u għas-serjetà tal-kondotta ħażina, u jistgħu jikkonsistu fi:

(a)

l-esklużjoni tal-kandidat jew offerent jew tal-kuntrattur ikkonċernat mill-kuntratti u l-għotjiet iffinanzjati mill-FEŻ, għal perijodu massimu ta' għaxar snin; u/jew

(b)

il-ħlas ta' penali finanzjarji mill-kandidat jew minn offerent jew mill-kuntrattur sal-valur tal-kuntratt ikkonċernat.

3.   L-Artikoli 134b tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002 għandu japplika mutatis mutandis għal kuntratti ffinanzjati mir-riżorsi tal-FEŻ.

TITOLU VI

OPERAZZJONIJIET TA' XOGĦOL DIRETT U OPERAZZJONIJIET DEĊENTRALIZZATI INDIRETTI

Artikolu 100

Dan it-Titolu għandu jirregola l-operazzjonijiet ta' xogħol dirett u l-operazzjonijiet deċentralizzati indiretti previsti fl-Artikolu 24 ta' l-Anness IV għall-Ftehim AKP-KE. Huwa għandu japplika, mutatis mutandis, għall-koperazzjoni finanzjarja mal-PTB.

Artikolu 101

1.   Fil-każ ta' operazzjonijiet ta' xogħol, dirett il-proġetti u l-programmi għandhom jiġu implimentati direttament mid-dipartimenti pubbliċi ta' l-Istati AKP ikkonċernati.

Il-Komunità għandha tikkontribwixxi għall-ispejjeż ta' dawk id-dipartimenti billi tipprovdi t-tagħmir u/jew il-materjali li jkollhom neqsin u/jew ir-riżorsi sabiex jirreklutaw kwalunkwe persunal addizzjonali meħtieġ, bħal esperti mill-Istati AKP kkonċernati jew Stati AKP oħra. Il-parteċipazzjoni tal-Komunità għandha tkopri biss l-ispejjeż li saru minħabba miżuri supplimentari u nfiq temporanju relatat ma' l-eżekuzzjoni li huma strettament limitati għar-rekwiżiti tal-proġett ikkonċernat.

L-amministrazzjoni finanzjarja ta' proġett implimentat b'xogħol dirett skond l-ewwel u t-tieni subparagrafi għandha titwettaq permezz ta' kontijiet ta' l-imprest lokali amministrati minn amministratur ta' l-imprest lokali u minn uffiċjal tal-kontabbiltà lokali, maħtur mill-uffiċjal awtorizzanti nazzjonali jew reġjonali bl-approvazzjoni minn qabel ta' l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli tal-Kummissjoni.

2.   Fil-każ ta' operazzjonijiet deċentralizzati indiretti, l-awtorità kontraenti fis-sens ta' l-Artikolu 92(1)(a) għandha tafda l-kompiti relatati ma' l-implimentazzjoni ta' proġetti jew ta' programmi lil korpi rregolati mil-liġijiet pubbliċi ta' l-Istati AKP ikkonċernati jew tal-korpi rregolati mid-dritt privat li huma legalment distinti mill-Istati AKP kkonċernati.

F'tali każi, il-korp ikkonċernat għandu jieħu r-responsabbilità għall-amministrazzjoni u l-implimentazzjoni tal-programm jew tal-proġett minflok l-uffiċjal awtorizzanti nazzjonali jew reġjonali. Il-kompiti hekk iddelegati jistgħu jinkludu s-setgħa li jiġu konklużi u amministrati l-kuntratti u s-superviżjoni tax-xogħlijiet għan-nom ta' u f'isem l-Istati AKP kkonċernati.

3.   L-operazzjonijiet ta' xogħol dirett u l-operazzjonijiet deċentralizzati indiretti għandhom jiġu implimentati abbażi ta' programm ta' miżuri li jridu jitwettqu u ta' stima ta' l-ispejjeż tagħhom (“l-istima tal-programm”). L-istima tal-programm hija dokument li jistabbilixxi l-programm ta' miżuri li għandhom jitwettqu u r-riżorsi umani u materjali meħtieġa, il-baġit korrispondenti u l-arranġamenti implimentattivi dettaljati tekniċi u amministrattivi għall-eżekuzzjoni deċentralizzata ta' proġett tul perijodu speċifikat permezz ta' xogħol dirett u, possibilment, permezz ta' akkwist pubbliku u għotjiet speċifiċi.

Kull stima ta' programm għandha titħejja mill-amministratur ta' l-imprest lokali u mill-uffiċjal tal-kontabbiltà lokali msemmija fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1, fil-każ ta' operazzjonijiet ta' xogħol dirett, jew mill-korp imsemmi fil-paragrafu 2, fil-każ ta' operazzjonijiet deċentralizzati indiretti. Imbagħad għandha tiġi approvata mill-uffiċjal awtorizzanti nazzjonali jew reġjonali u mill-uffiċjal awtorizzanti responsabbli tal-Kummissjoni qabel ma jibdew l-attivitajiet previsti minnha.

4.   Fil-kuntest ta' l-implimentazzjoni ta' l-istimi tal-programm imsemmija fil-paragrafu 3, il-proċeduri ta' l-akkwist u ta' l-għotjiet għandhom jikkonformaw ma' dawk imsemmija fit-Titoli V u VII rispettivament.

5.   Il-ftehim ta' finanzjament imsemmija fl-Artikolu 70(3) għandhom jipprovdu għall-implimentazzjoni ta' operazzjonijiet ta' xogħol dirett jew operazzjonijiet deċentralizzati indiretti.

Artikolu 102

Fil-każ ta' operazzjonijiet deċentralizzati indiretti, l-awtorità kontraenti msemmija fl-Artikolu 92(1)(a) għandha tikkonkludi ftehim ta' delega meta tafda kompiti ta' implimentazzjoni lil korp irregolat mil-liġijiet pubbliċi ta' l-Istati AKP kkonċernati jew mid-dritt privat b'missjoni ta' servizz pubbliku. Hija għandha tikkonkludi kuntratt ta' servizz meta tafda dawk il-kompiti lil korp irregolat mid-dritt privat. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-ftehim ta' delega jew il-kuntratt ta' servizz jistabbilixxi:

(a)

dispożizzjonijiet adegwati għall-iskrutinju ta' l-użu tar-riżorsi tal-FEŻ mill-Kummissjoni, mill-OLAF, mill-uffiċjal awtorizzanti nazzjonali jew reġjonali, mill-Qorti ta' l-Awdituri u mill-korpi nazzjonali ta' verifika ta' l-Istati AKP kkonċernati;

(b)

definizzjoni ċara u delimitazzjoni preċiża tas-setgħat li ġew delegati lill-korp ikkonċernat u s-setgħat miżmuma mill-uffiċjal awtorizzanti nazzjonali jew reġjonali;

(ċ)

il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti fl-eżerċizzju tas-setgħat hekk delegati, bħall-għażla ta' l-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati, l-għoti tal-kuntratti jew is-superviżjoni tax-xogħlijiet;

(d)

il-possibbiltà ta' reviżjoni ex post u ta' penali finanzjarji fejn l-għoti ta' fondi jew l-għoti ta' kuntratti minn korp ikkonċernat ma jkunx jikkorrispondi mal-proċeduri stabbiliti fil-punt (c);

(e)

sistema effettiva u effiċjenti ta' kontroll intern għall-amministrazzjoni ta' l-operazzjonijiet, li tinkludi segregazzjoni effettiva tad-dmirijiet ta' l-uffiċjal awtorizzanti u ta' l-uffiċjal tal-kontabbiltà;

(f)

sistema ta' kontabbiltà li tippermetti li jiġi verifikat l-użu korrett tar-riżorsi tal-FEŻ u li jkun rifless l-użu tal-fondi fil-kontabbiltà tal-FEŻ.

TITOLU VII

GĦOTJIET

KAPITOLU 1

Ambitu u forma ta' l-għotjiet

Artikolu 103

1.   L-għotjiet huma kontribuzzjonijiet finanzjarji diretti, bħala donazzjoni, mir-riżorsi tal-FEŻ sabiex jiġu ffinanzjati:

(a)

jew azzjoni maħsuba sabiex tgħin sabiex jintlaħaq objettiv tal-Ftehim AKP-KE jew tad-Deċiżjoni ta' Assoċjazzjoni lil hinn mill-Baħar, jew programm jew proġett li ġie adottat skond dak il-Ftehim jew skond dik id-Deċiżjoni;

(b)

jew il-funzjonament ta' korp li jsegwi tali objettiv.

Dawn għandhom ikunu koperti jew bi ftehim bil-miktub jew minn deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiġi notifikata lill-applikant li rnexxa.

2.   Għall-finijiet ta' dan it-Titolu, dawn li ġejjin m'għandhomx jikkostitwixxu għotjiet:

(a)

il-ftehim ta' finanzjament kif imsemmija fl-Artikolu 70(3)(a);

(b)

il-kuntratti pubbliċi kif imsemmija fit-Titolu V jew l-operazzjonijiet ta' xogħol dirett kif imsemmija fit-Titolu VI;

(ċ)

is-self, il-garanziji, il-kontribuzzjonijiet, il-kuntratti, is-sussidji għar-rata ta' l-interessi jew kwalunkwe operazzjoni finanzjarja oħra amministrata mill-BEI;

(d)

l-assistenza baġitarja diretta jew indiretta, jew l-għajnuna li tgħin ittaffi d-dejn jew l-appoġġ għal qligħ mill-esportazzjoni fil-każ ta' varjazzjonijiet tul perijodu qasir ta' żmien;

(e)

il-ħlasijiet magħmula lill-korpi li lilhom ġew iddelegati kompiti ta' implimentazzjoni mill-Kummissjoni kif previst fl-Artikoli 25 sa 28 jew fil-qafas ta' l-amministrazzjoni konġunta msemmija fl-Artikolu 29.

3.   L-Artikoli 160 sa 184a (Titolu VI “Għotjiet”) u l-Artikolu 253 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002 għandhom japplikaw mutatis mutandis għal dan it-Titolu.

Artikolu 104

1.   L-għotjiet jistgħu jieħdu kwalunkwe waħda mill-forom li ġejjin:

(a)

rimborż ta' proporzjon speċifikat ta' l-ispejjeż eliġibbli li saru effettivament;

(b)

somom li jingħataw f'daqqa;

(ċ)

finanzjament b'rata fissa;

(d)

kombinazzjoni tal-forom imsemmija fil-punti (a), (b) u (c);

2.   L-għotjiet m'għandhomx jaqbżu limitu massimu totali espress f'termini ta' valur assolut.

KAPITOLU 2

Prinċipji

Artikolu 105

1.   L-għotjiet għandhom ikunu suġġetti għall-prinċipji ta' trasparenza u ta' trattament ugwali.

Ma jistgħux ikunu kumulattivi jew jingħataw retrospettivament u jridu jinvolvu ko-finanzjament.

Fl-ebda każ, kif ġie speċifikat fil-ftehim ta' l-għotja, ma jistgħu jinqabżu l-ispejjeż totali kombinati li jkunu eliġibbli għall-finanzjament.

2.   L-għotjiet jista' ma jkollhomx il-fini jew l-effett li jipproduċu profitt għall-benefiċjarju.

Il-paragrafu 2 m'għandux japplika għal dawn li ġejjin:

(a)

boroż ta' studju, ta' riċerka jew ta' taħriġ imħallsa lil persuni fiżiċi;

(b)

premji mogħtijin wara kompetizzjonijiet;

(ċ)

azzjonijiet li l-objettiv tagħhom huwa t-tisħiħ tal-kapaċità finanzjarja ta' benefiċjarju jew il-ġenerazzjoni ta' introjtu.

Artikolu 106

1.   L-għotjiet għandhom ikunu suġġetti għal programm ta' ħidma annwali, li għandu jkun ippubblikat fil-bidu tas-sena.

Dak il-programm ta' ħidma annwali għandu jkun implimentat permezz tal-pubblikazzjoni tas-sejħiet għal proposti, ħlief f'każi eċċezzjonali ta' urġenza li ġew sostanzjati debitament jew fejn il-karatteristiċi tal-benefiċjarju jew ta' l-azzjoni ma jħallu l-ebda għażla oħra għal azzjoni partikolari, jew fejn il-benefiċjarju jiġi identifikat fil-Ftehim AKP-KE u fid-Deċiżjoni ta' Assoċjazzjoni lil hinn mill-Baħar bħala riċevent ta' għotja.

L-ewwel subparagrafu m'għandux japplika għal għajnuna għal maniġġar ta' kriżi u għal operazzjonijiet ta' għajnuna umanitarja.

2.   L-għotjiet kollha mogħtija matul sena finanzjarja għandhom ikunu ppubblikati annwalment b'osservanza debita tar-rekwiżiti tal-kunfidenzjalità u tas-sigurtà.

Artikolu 107

1.   Kull azzjoni tista' tagħti lok għal għotja waħda biss mir-riżorsi tal-FEŻ lil kwalunkwe benefiċjarju waħdieni.

2.   Benefiċjarju jista' jingħata għotja operattiva waħda biss mir-riżorsi tal-FEŻ għal kull sena finanzjarja.

L-applikant għandu jinforma immedjatament lill-uffiċjali awtorizzanti bi kwalunkwe applikazzjoni multipla u bi kwalunkwe għotja multipla relatata ma' l-istess azzjoni jew ma' l-istess programm ta' ħidma.

Fl-ebda ċirkostanza, m'għandhom ikunu ffinanzjati darbtejn l-istess spejjeż mir-riżorsi tal-FEŻ.

Artikolu 108

1.   Tista' tingħata għotja għal azzjoni li tkun diġa' bdiet biss jekk l-applikant jista' juri l-ħtieġa li l-azzjoni tinbeda qabel ma tingħata l-għotja.

F'tali każi, l-ispejjeż eliġibbli għall-finanzjament jista' ma jkunux saru qabel id-data ta' meta titressaq l-applikazzjoni għall-għotja, ħlief f'każi eċċezzjonali li ġew sostanzjati debitament jew fil-każ ta' nefqa meħtieġa għall-implimentazzjoni xierqa ta' għajnuna għall-maniġġar ta' kriżi jew għal operazzjonijiet ta' għajnuna umanitarja, kif previst fil-Ftehim AKP-KE jew fid-Deċiżjoni ta' Assoċjazzjoni lil hinn mill-Baħar.

Ma tista' tingħata l-ebda għotja retrospettivament għall-azzjonijiet li diġà tlestew.

2.   Tista' tingħata għotja operattiva fi żmien sitt xhur wara l-bidu tas-sena baġitarja tal-benefiċjarju. L-ispejjeż eliġibbli għall-finanzjament la jistgħu jkunu saru qabel ma kienet iddepożitata l-applikazzjoni għall-għotja u lanqas qabel il-bidu tas-sena baġitarja tal-benefiċarju.

Artikolu 109

L-għotja ma tistax tiffinanzja l-ispejjeż kollha ta' l-azzjoni, ħlief jekk dan ikun essenzjali sabiex din titwettaq.

L-għotja ma tistax tiffinanzja n-nefqa operativa kollha tal-korp benefiċjarju.

KAPITOLU 3

Proċedura ta' għoti

Artikolu 110

1.   L-applikazzjonijiet għall-għotja għandhom jitressqu bil-miktub.

2.   L-applikazzjonijiet għall-għotja għandhom ikunu eliġibbli jekk jitressqu mill-persuni li ġejjin:

(a)

persuni ġuridiċi; applikazzjonijiet għall-għotjiet jistgħu jkunu eliġibbli jekk ippreżentati minn entitajiet mingħajr personalità ġuridika skond il-liġi nazzjonali applikabbli, dment li r-rappreżentanti tagħhom ikollhom il-kapaċità jidħlu għall-obbligi legali għan-nom tagħhom u jassumu r-responsabbiltà finanzjarja;

(b)

persuni fiżiċi sakemm dan ikun meħtieġ min-natura jew mill-karatteristiċi ta' l-azzjoni jew ta' l-objettiv segwit mill-applikant.

3.   L-għotjiet ma jistgħux jingħataw lil applikanti li, fi żmien il-proċedura ta' l-għotja, ikunu f'waħda mis-sitwazzjonijiet ta' esklużjoni msemmija fl-Artikoli 96(1), 97, u fil-punt (a) ta' l-Artikolu 99(2).

L-applikanti għandhom jiċċertifikaw li m'humiex f'waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu. Madankollu, l-uffiċjal awtorizzanti jista' joqgħod lura milli jeħtieġ tali ċertifikazzjoni għal għotjiet b'valur ferm baxx.

4.   L-uffiċjal awtorizzanti jista' jimponi penali amministrattivi u finanzjarji li għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi fil-konfront ta' l-applikant.

Tali penali jistgħu jiġu imposti wkoll fuq benefiċarji li meta jippreżentaw l-applikazzjoni jew matul l-implimentazzjoni ta' l-għotja, ikunu għamlu dikjarazzjonijiet foloz meta pprovdew l-informazzjoin meħtieġa mill-uffiċjal awtorizzanti jew naqsu milli jipprovdu din l-informazzjoni.

L-Artikolu 99 għandu japplika mutatis mutandis.

Artikolu 111

1.   Il-kriterji ta' l-għażla għandhom ikunu tali li jagħmluha possibbli li tiġi valutata l-kapaċità ta' l-applikant li jikkompleta l-azzjoni proposta jew il-programm ta' ħidma propost.

2.   Il-kriterji ta' l-għotja mħabbra bil-quddiem fis-sejħa għall-proposti għandhom ikunu tali li jagħmluha possibbli li tiġi valutata l-kwalità tal-proposti mressqa fid-dawl ta' l-objettivi u l-prijoritajiet stabbiliti.

Artikolu 112

1.   Il-proposti għandhom jiġu evalwati, abbażi ta' kriterji ta' għażla u ta' għoti mħabbra minn qabel, bil-għan li jiġi determinat liema proposti jistgħu jiġu ffinanzjati.

2.   L-uffiċjal awtorizzanti responsabbli mbagħad, abbażi ta' l-evalwazzjoni prevista fil-paragrafu 1, għandu jfassal il-lista tal-benefiċjarji u ta' l-ammonti approvati.

3.   L-uffiċjal awtorizzanti responsabbli għandu jinforma lill-applikanti bil-miktub bid-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tagħhom. Jekk l-għotja mitluba ma tingħatax, huwa għandu jagħti r-raġunijiet għaliex l-applikazzjoni ġiet rifjutata, b'mod partikolari, b'referenza għall-kriterji ta' għażla u ta' għoti diġà mħabbra.

KAPITOLU 4

Ħlas u kontroll

Artikolu 113

Ir-ritmu tal-ħlasijiet għandu jiġi determinat mir-riskji finanzjarji involuti, mid-durata u l-progress ta' l-azzjoni, jew mill-ispejjeż li saru mill-benefiċjarju.

Artikolu 114

Jekk iqis li jkun xieraq u proporzjonat, l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli jista' jeħtieġ li l-benefiċjarju jiddepożita garanzija minn qabel sabiex jillimita r-riskji finanzjarji konnessi mal-ħlas tal-prefinanzjament.

Artikolu 115

1.   L-ammont ta' l-għotja m'għandux isir finali qabel ma l-Kummissjoni tkun aċċettat ir-rapporti u l-kontabbiltà finali, mingħajr preġudizzju għal verifiki sussegwenti mill-Kummissjoni.

2.   Jekk il-benefiċjarju jonqos milli jikonforma ma' l-obbligi tiegħu, l-għotja għandha tiġi sospiża jew imnaqqsa jew mitmuma wara li l-benefiċjarju jkun ingħata l-opportunità li jagħmel l-osservazzjonijiet tiegħu.

KAPITOLU 5

Implimentazzjoni

Artikolu 116

1.   Fejn l-implimentazzjoni ta' l-azzjoni teħtieġ l-għoti ta' kuntratti ta' akkwist mill-benefiċjarju, il-ftehim ta' l-għotja msemm fl-Artikolu 105(1) għandu jipprevedi l-proċeduri li jikkonformaw mar-regoli Komunitarji dwar l-akkwist applikabbli għall-koperazzjoni mal-pajjiżi mhux membri.

2.   Fejn l-implimentazzjoni ta' l-azzjoni teħtieġ li jingħata appoġġ finanzjarju lil partijiet terzi, il-benefiċjarju ta' għotja jista' jagħti tali appoġġ finanzjarju dment li jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-appoġġ finanzjarju ma jkunx l-għan primarju ta' l-azzjoni;

(b)

il-kondizzjonijiet sabiex jingħata tali appoġġ huma strettament iddefiniti fid-deċiżjoni jew fil-ftehim ta' l-għotja bejn il-benefiċjarju u l-Kummissjoni, bl-ebda marġni għal diskrezzjoni;

(ċ)

l-ammonti kkonċernati huma żgħar.

3.   Kull deċiżjoni jew ftehim ta' għotja għandhom jipprevedu espressament li l-Kummissjoni, l-OLAF u l-Qorti ta' l-Awdituri jeżerċitaw is-setgħat ta' kontroll tagħhom, fuq id-dokumenti u fil-post, fuq il-kuntratturi u s-subkuntratturi kollha li rċevew assistenza finanzjarja mir-riżorsi tal-FEŻ.

Artikolu 117

Fil-kuntest ta' l-amministrazzjoni deċentralizzata, imsemmija fl-Artikoli 21 sa 24, il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha sabiex tinkoraġġixxi amministrazzjoni mill-Istati AKP u mill-PTB benefiċjarji li jkollha l-għan li tapplika dispożizzjonijiet ekwivalenti għal dawk stabbiliti f'dan it-Titolu.

TITOLU VIII

PREŻENTAZZJONI TAL-KONTIJIET U KONTABBILTÀ

KAPITOLU 1

Preżentazzjoni tal-kontijiet

Artikolu 118

1.   Il-Kummissjoni għandha tfassal, sa mhux aktar tard mill-31 ta' Lulju ta' kull sena, il-kontijiet tal-FEŻ li jiddeskrivu s-sitwazzjoni finanzjarja tal-Fond sal-31 ta' Diċembru tas-sena preċedenti. Il-kontijiet tal-FEŻ għandhom jinkludu:

(a)

ir-rapporti finanzjarji msemmija fl-Artikolu 122;

(b)

ir-rapporti dwar l-implimentazzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 123;

(ċ)

ir-rapporti finanzjarji u l-informazzjoni provduta mill-BEI skond l-Artikolu 149(2).

2.   Il-kontijiet tal-FEŻ għandhom ikunu akkumpanjati minn rapport dwar l-amministrazzjoni finanzjarja tas-sena li jkun fih deskrizzjoni preċiża ta':

(a)

il-kisba ta' l-objettivi għas-sena finanzjarja, skond il-prinċipju ta' amministrazzjoni finanzjarja tajba;

(b)

is-sitwazzjoni finanzjarja u l-avvenimenti li kellhom influwenza sinifikanti fuq l-attivitajiet imwettqa matul is-sena finanzjarja.

Artikolu 119

Il-kontijiet għandhom jikkonformaw mar-regoli u għandhom ikunu preċiżi u komprensivi. Huma għandha jippreżentaw stampa vera u ġusta rigward dan li ġej:

(a)

ir-rapporti finanzjarji, ta' l-assi u tal-piżijiet, l-ispejjeż u d-dħul, id-drittijiet u l-obbligi li ma ntwerewx bħala assi jew piżijiet, u d-dħul u l-infiq tal-flus;

(b)

ir-rapporti dwar l-implimentazzjoni finanzjarja, ta' l-operazzjonijiet ta' dħul u nfiq mir-riżorsi tal-FEŻ.

Artikolu 120

Ir-rapporti finanzjarji msemmija fl-Artikolu 122 għandhom jitfasslu skond il-prinċipji tal-kontabbiltà aċċettati ġeneralment, jiġifieri:

(a)

bażi ta' negozju;

(b)

prudenza;

(ċ)

metodi konsistenti ta' kontabbiltà;

(d)

paragunabbiltà ta' l-informazzjoni;

(e)

materjalità;

(f)

non-kompensazzjoni;

(g)

realtà fuq l-apparenza;

(h)

kontabbiltà bbażata fuq l-akkumulazzjoni.

Artikolu 121

1.   Skond il-prinċipju ta' kontabbiltà bbażata fuq l-akkumulazzjoni, ir-rapporti finanzjarji msemmija fl-Artikolu 122 għandhom juru l-ispejjeż u d-dħul għas-sena finanzjarja, irrispettivament mid-data tal-ħlas jew tal-ġbir.

2.   Il-valur ta' l-assi u tal-piżijiet għandu jiġi determinat skond ir-regoli ta' valutazzjoni previsti fl-Artikolu 129.

Artikolu 122

1.   Ir-rapporti finanzjarji għandhom jitħejjew mill-uffiċjal tal-kontabbiltà u għandhom jiġu ppreżentati f'miljuni ta' euro. Huma għandhom jinkludu:

(a)

il-karta tal-bilanċ, li tirrappreżenta l-assi u r-responsabbiltajiet u s-sitwazzjoni finanzjarja u r-riżultat ekonomiku tal-FEŻ fil-31 ta' Diċembru tas-sena preċedenti; hija għandha tiġi ppreżentata skond l-istruttura stabbilita mid-Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontabbiltà annwali ta' ċerti tipi ta' kumpanniji, iżda għandha titqies in-natura speċifika ta' l-attivitajiet tal-FEŻ;

(b)

it-tabella tad-dħul u l-infiq tal-flus li turi l-ammonti miġbura u minfuqa matul is-sena, il-pożizzjoni finali tat-teżor u rapport tal-bidliet fil-kapital li jkopri s-sena finanzjarja preċedenti;

(ċ)

tabella ta' elementi pagabbli lill-FEŻ li turi:

(i)

l-ammonti li għad iridu jiġu rkuprati fil-bidu tas-sena finanzjarja;

(ii)

id-drittijiet stabbiliti matul is-sena finanzjarja;

(iii)

l-ammonti rkuprati matul is-sena finanzjarja;

(iv)

il-kanċellazzjoni tad-drittijiet stabbiliti;

(v)

l-ammonti li għad iridu jiġu rkuprati fl-aħħar tas-sena finanzjarja.

2.   L-anness għar-rapporti finanzjarji għandu jissupplimenta u jikkummenta dwar l-informazzjoni ppreżentata fir-rapporti msemmija fil-paragrafu 1 u għandu jipprovdi l-informazzjoni addizzjonali kollha preskritta mill-prattika tal-kontabbiltà aċċettata internazjonalment, fejn tali informazzjoni tkun rilevanti għall-attivitajiet tal-FEŻ.

Artikolu 123

1.   Ir-rapporti dwar l-implimentazzjoni finanzjarja għandhom jitħejjew mill-uffiċjal awtorizzanti responsabbli flimkien ma' l-uffiċjal tal-kontabbiltà u għandhom jiġu ppreżentati f'miljuni ta' euro. Huma għandhom jinkludu:

(a)

il-kont tar-riżultat finanzjarju, li jistabbilixxi l-operazzjonijiet finanzjarji kollha għas-sena f'termini ta' dħul u nfiq.

(b)

l-anness għall-kont tar-riżultat finanzjarju, li għandu jissupplimenta u jikkumenta dwar l-informazzjoni mogħtija f'dak il-kont.

2.   Il-kont tar-riżultat finanzjarju għandu jkun fih it-tabelli li ġejjin:

(a)

tabella li tiddeskrivi l-bidliet matul is-sena finanzjarja preċedenti fl-allokazzjonijiet indikati fl-anness;

(b)

tabella li turi skond l-allokazzjoni l-ammont total ta' l-impenji, il-fondi assenjati u l-ħlasijiet magħmula matul is-sena finanzjarja u l-ammonti totali aggregati mill-ftuħ tal-FEŻ;

(ċ)

tabelli li juru, skond l-allokazzjoni, il-pajjiż, it-territorju, ir-reġjun jew is-subreġjun, l-ammont totali ta' l-impenji, il-fondi assenjati u l-ħlasijiet magħmula matul is-sena finanzjarja u l-ammonti totali aggregati mill-ftuħ tal-FEŻ.

Artikolu 124

L-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jibgħat il-kontijiet proviżorji lill-Qorti ta' l-Awdituri sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu tas-sena finanzjarja segwenti.

Sa mhux aktar tard mit-30 ta' April tas-sena finanzjarja segwenti, l-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jibgħat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti ta' l-Awdituri r-rapport, imsemmi fl-Artikolu 118(2), dwar l-amministrazzjoni finanzjarja ta' matul is-sena.

Artikolu 125

1.   Il-Qorti ta' l-Awdituri għandha, sa l-15 ta' Ġunju, tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-kontijiet proviżorji fir-rigward tal-parti tar-riżorsi tal-FEŻ li għall-amministrazzjoni finanzjarja tagħha hija responsabbli l-Kummissjoni skond l-Artikolu 2, sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tagħmel il-korrezzjonijiet meqjusa meħtieġa sabiex tfassal il-kontijiet finali.

2.   L-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jħejji l-kontijiet finali akkumpanjati minn nota stabbilita minnu stess, li biha huwa jiddikjara li l-kontijiet tħejjew skond it-Titolu VIII u skond il-prinċipji, ir-regoli u l-metodi ta' kontabbiltà stabbiliti fl-anness għar-rapporti finanzjarji.

3.   Il-Kummissjoni għandha tapprova l-kontijiet finali u tibgħathom lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti ta' l-Awdituri sa mhux aktar tard mill-31 ta' Lulju tas-sena finanzjarja segwenti.

4.   Il-kontijiet finali għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea flimkien ma' dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni mogħtija mill-Qorti ta' l-Awdituri fir-rigward tal-parti tar-riżorsi tal-FEŻ li għall-amministrazzjoni finanzjarja tagħha hija responsabbli l-Kummissjoni skond l-Artikolu 2 sal-15 ta' Novembru tas-sena finanzjarja segwenti.

KAPITOLU 2

Informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tar-riżorsi tal-feż

Artikolu 126

1.   Il-Kummissjoni u l-BEI għandhom jimmonitorjaw, kull wieħed safejn ikun ikkonċernat, l-użu ta' l-assistenza tal-FEŻ mill-Istati AKP, mill-PTB jew minn kwalunkwe benefiċjarju ieħor, u l-implimentazzjoni tal-proġetti ffinanzjati mill-FEŻ, waqt li jqisu b'mod partikolari l-objettivi msemmija fl-Artikoli 55 u 56 tal-Ftehim AKP-KE u fid-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Deċiżjoni ta' Assoċjazzjoni lil hinn mill-Baħar.

2.   Il-BEI għandu jinforma perjodikament lill-Kummissjoni rigward l-implimentazzjoni tal-proġetti ffinanzjati mir-riżorsi tal-FEŻ li jamministra, billi jsegwi l-proċeduri stabbiliti fil-linji gwida operattivi tal-Faċilità ta' Investiment.

3.   Il-Kummissjoni u l-BEI għandhom jipprovdu lill-Kumitat tal-FEŻ bl-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni operattiva tar-riżorsi tal-FEŻ permezz ta' l-allokazzjonijiet nazzjonali u reġjonali stabbiliti fl-Anness. Tali informazzjoni għandha tkopri wkoll il-proġetti u l-programmi ffinanzjati mill-Faċilità ta' Investiment. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lill-Qorti ta' l-Awdituri skond l-Artikolu 11(5) u (7) tal-Ftehim Intern.

KAPITOLU 3

Kontabbiltà

Artikolu 127

1.   Is-sistema ta' kontabbiltà hija s-sistema li sservi sabiex torganizza l-informazzjoni finanzjarja b'tali mod li ċ-ċifri jistgħu jiddaħħlu, jiġu ffajljati u rreġistrati.

2.   Il-kontijiet għandhom jikkonsistu f'kontijiet ġenerali u f'kontijiet finanzjarji. Dawk il-kontijiet għandhom jinżammu f'euro abbażi tas-sena kalendarja.

3.   Iċ-ċifri fil-kontijiet ġenerali u fil-kontijiet finanzjarji għandhom jiġu stabbiliti fl-għeluq tas-sena finanzjarja sabiex ikunu jistgħu jiġu ppreparati l-kontijiet imsemmija fil-Kapitolu 1.

4.   Minkejja l-paragrafi 2 u 3, l-uffiċjal awtorizzanti b'delega jista' jżomm kontijiet analitiċi.

Artikolu 128

L-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jkun responsabbli għall-monitoraġġ u għat-tidħil fil-kontijiet tal-ħlasijiet mill-Istati Membri u dħul ieħor.

Artikolu 129

1.   L-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jadotta r-regoli u l-metodi tal-kontabbiltà applikabbli. Huwa għandu jħejji u wara li jikkonsulta lill-uffiċjal awtorizzanti b'delega, jadotta l-pjan tal-kontijiet li għandu jiġi applikat għall-operazzjonijiet tal-FEŻ.

Fit-twettiq ta' dan, l-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jkun iggwidat mill-istandards tal-kontabbiltà aċċettati internazzjonalment għas-settur pubbliku. Madankollu, huwa jista' jitbiegħed minnhom fejn ikun iġġustifikat min-natura speċifika ta' l-attivitajiet tal-FEŻ.

2.   L-iskrizzjonijiet fil-kontijiet għandhom isiru abbażi tal-pjan tal-kontijiet billi tintuża nomenklatura li tagħmel distinzjoni ċara bejn il-kontijiet ġenerali u l-kontijiet finanzjarji. Il-pjan tal-kontijiet għandu jintbagħat lill-Qorti ta' l-Awdituri.

Artikolu 130

Il-kontijiet ġenerali għandhom jirreġistraw, f'ordni kronoloġiku bl-użu tal-metodu ta' reġistrazzjoni doppja, l-avvenimenti u l-operazzjonijiet kollha li jaffetwaw is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja u l-assi u l-piżijiet tal-FEŻ, u li jiffurmaw il-karta ta' bilanċ tal-FEŻ.

Artikolu 131

1.   Iċ-ċaqliq fil-kontijiet u l-bilanċi għandhom jiddaħħlu fir-reġistri tal-kontabbiltà.

2.   L-iskrizzjonijiet tal-kontabbiltà kollha, inklużi l-aġġustamenti għall-kontijiet, għandhom ikunu bbażati fuq id-dokumenti ta' appoġġ, li jirriferu għalihom.

3.   Is-sistema ta' kontabbiltà għandha tkun tali li tħalli traċċi għall-iskrizzjonijiet tal-kontabbiltà kollha.

Artikolu 132

Wara li tagħlaq is-sena finanzjarja u sad-data tal-preżentazzjoni tal-kontijiet, l-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jagħmel kwalunkwe aġġustament li, mingħajr ma jkun jinvolvi nfiq jew ġbir fir-rigward ta' dik is-sena, ikun meħtieġ għal preżentazzjoni vera u ġusta tal-kontijiet li tkun konformi mar-regoli.

Artikolu 133

1.   Il-kontijiet finanzjarji għandhom jipprovdu rekord dettaljat ta' l-implimentazzjoni finanzjarja tar-riżorsi tal-FEŻ.

Il-kontijiet għandhom juru:

(a)

l-allokazzjonijiet kollha;

(b)

l-impenji kollha;

(ċ)

il-ħlasijiet u d-dejn stabbilit u l-operazzjonijiet ta' ġbir kollha għas-sena finanzjarja, b'mod sħiħ u mingħajr l-ebda aġġustament reċiproċi.

2.   Meta l-impenji, il-ħlasijiet u d-dejn jiġu espressi f'valuti nazzjonali, is-sistema ta' kontabbiltà għandha tagħmilha possibbli, fejn ikun meħtieġ, li jiġu rreġistrati f'valuti nazzjonali kif ukoll f'euro.

3.   L-impenji ddefiniti fl-Artikolu 70 għandhom jiġu rreġistrati f'euro għall-valur tad-deċiżjonijiet ta' finanzjament meħuda mill-Kummissjoni.

L-impenji ddefiniti fl-Artikolu 78(2) għandhom jiġu reġistrati f'euro fl-ekwivalenti tal-valur tal-kuntratti, tal-ftehim ta' għotja u ta' l-istimi tal-programmi. Fejn ikun xieraq, dak il-valur għandu jinkludi:

(a)

provvediment għall-ħlas ta' spejjeż rimborżabbli hekk kif jiġu ppreżentati d-dokumenti ta' appoġġ;

(b)

provvediment għar-reviżjoni tal-prezzijiet u tal-kontinġenzi kif definit fil-kuntratti ffinanzjati mill-FEŻ;

(ċ)

provvediment finanzjarju għall-varjazzjonijiet fir-rati tal-kambju.

4.   Il-kotba tal-kontijiet kollha li jirriferu għal meta impenn jiġi sodisfatt għandhom jinżammu għal perijodu ta' ħames snin mid-data tad-deċiżjoni li tagħti kwittanza fir-rigward ta' l-implimentazzjoni finanzjarja tar-riżorsi tal-FEŻ, imsemmija fl-Artikolu 142, li tikkonċerna s-sena finanzjarja li matulha l-impenn ingħalaq għal finijiet tal-kontabbiltà.

TITOLU IX

VERIFIKA ESTERNA U KWITTANZA

KAPITOLU 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 134

L-operazzjonijiet iffinanzjati mir-riżorsi tal-FEŻ ġestiti mill-BEI skond l-Artikolu 3 għandhom ikunu suġġetti għall-proċeduri ta' verifika u ta' kwittanza stabbiliti fl-Istatuti tal-BEI għall-operazzjonijiet kollha tiegħu. Ir-regoli ddettaljati għall-verifika mill-Qorti ta' l-Awdituri ġew stabbiliti fil-Ftehim bejn Tliet Partijiet. Huma għandhom jinqablu mill-BEI, il-Kummissjoni u l-Qorti ta' l-Awdituri fil-Ftehim attwalment fis-seħħ jew possibbilment bi Ftehim ġdid jew kwalunkwe ftehim ieħor li jista' jissostitwih.

Fir-rigward ta' l-operazzjonijiet iffinanzjati mir-riżorsi tal-FEŻ amministrati mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 2, il-Qorti ta' l-Awdituri għandha teżerċita s-setgħat tagħha skond dan it-Titolu.

KAPITOLU 2

Verifika esterna

Artikolu 135

1.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Qorti ta' l-Awdituri, mill-aktar fis possibbli, bid-deċiżjonijiet u bir-regoli kollha adottati skond dan ir-Regolament.

2.   Il-Qorti ta' l-Awdituri għandha tkun informata bil-ħatra ta' l-uffiċjali awtorizzanti, l-awdituri interni, l-uffiċjali tal-kontabbiltà u l-amministraturi tal-ħlas u bid-deċiżjonijiet ta' delega skond l-Artikoli 17, 39, 43, 48 u 89.

Artikolu 136

1.   Fir-rigward tal-koperazzjoni ma' l-Istati AKP, il-Qorti ta' l-Awdituri, meta teżamina jekk id-dħul kollu kienx riċevut u jekk l-infiq kollu sarx b'mod legali u adatt, għandha tqis id-dispożizzjonijiet tat-Trattat, tal-Ftehim AKP-KE, il-Ftehim Intern, dan ir-Regolament u ta' l-atti l-oħra kollha adottati skond dawk l-istrumenti.

Fir-rigward tal-koperazzjoni mal-PTB, il-Qorti ta' l-Awdituri, meta teżamina jekk id-dħul kollu kienx riċevut u jekk l-infiq kollu sarx b'mod legali u adatt, għandha tqis id-dispożizzjonijiet tat-Trattat, tad-Deċiżjoni ta' Assoċjazzjoni lil hinn mill-Baħar, ta' dan ir-Regolament u l-atti l-oħra kollha applikabbli.

2.   Meta tkun qed twettaq il-kompitu tagħha, il-Qorti ta' l-Awdituri għandu tkun intitolata li tikkonsulta, bil-mod previst fl-Artikolu 138 (4) u (5), id-dokumenti u l-informazzjoni kollha relatati ma' l-amministrazzjoni finanzjarja tad-dipartimenti jew tal-korpi fir-rigward ta' l-operazzjonijiet iffinanzjati jew kofinanzjati mir-riżorsi tal-FEŻ. Hija għandu jkollha s-setgħa li tistħarreġ kwalunkwe uffiċjal responsabbli minn operazzjoni ta' dħul jew ta' nfiq u li tuża kwalunkwe waħda mill-proċeduri ta' verifika xierqa għad-dipartimenti jew għall-korpi msemmija hawn fuq.

Sabiex tikseb l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex twettaq il-kompitu tagħha, il-Qorti ta' l-Awdituri tista' tkun preżenti, meta hija titlob dan, waqt li jitwettqu l-operazzjonijiet ta' verifika fil-qafas ta' l-implimentazzjoni finanzjarja minn, jew f'isem il-Kummissjoni.

Fuq it-talba tal-Qorti ta' l-Awdituri, il-Kummissjoni għandha tawtorizza lill-istituzzjonijiet finanzjarji li għandhom depożiti tal-FEŻ sabiex jippermettu lill-Qorti ta' l-Awdituri tiżgura li d-data esterna taqbel mal-kontijiet.

Meta tkun qed twettaq il-kompitu tagħha, il-Qorti ta' l-Awdituri għandha tinnotifika lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet li għalihom japplika dan ir-Regolament bl-ismijiet tal-membri tal-persunal tagħha li ngħataw is-setgħa li jivverifikawhom.

Artikolu 137

Il-Qorti ta' l-Awdituri għandha tiżgura li t-titoli u l-flus iddepożitati jew fl-idejn kollha jiġu kontrollati ma' rċevuti ffirmati mid-depożitarji jew ma' memoranda uffiċjali tal-flus u tat-titoli miżmuma. Il-Qorti tista' twettaq tali verifiki hija stess.

Artikolu 138

1.   Il-Kummissjoni, il-korpi li jamministraw id-dħul jew l-infiq għan-nom tal-FEŻ u l-benefiċjarji finali tal-ħlasijiet mir-riżorsi tal-FEŻ għandhom jagħtu lill-Qorti ta' l-Awdituri l-faċilitajiet kollha u jagħtuha l-informazzjoni kollha li l-Qorti ta' l-Awdituri tqis meħtieġa sabiex twettaq il-kompitu tagħha. Huma għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Qorti ta' l-Awdituri d-dokumenti kollha li jikkonċernaw l-għoti u t-twettiq tal-kuntratti u l-kontijiet kollha ta' flus jew ta' materjali, il-kotba tal-kontijiet kollha jew id-dokumenti ta' appoġġ, kif ukoll id-dokumenti amministrattivi relatati magħhom, id-dokumenti kollha relatati mad-dħul u l-infiq, l-inventarji kollha, l-organigrammi kollha tad-dipartimenti, li l-Qorti ta' l-Awdituri tqis li huma meħtieġa sabiex ikun ivverifikat ir-rapport tar-riżultat finanzarju abbażi ta' rekords jew fil-post u, għall-istess finijiet, id-dokumenti u d-data kollha maħluqa jew miżmuma fuq mezz manjetiku.

L-ewwel subparagrafu għandu japplika wkoll għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jirċievu ħlasijiet mir-riżorsi tal-FEŻ.

2.   L-uffiċjali li jiġu kkontrollati l-operazzjonijiet tagħhom mill-Qorti ta' l-Awdituri għandhom:

(a)

juru r-rekords tagħhom tal-flus fl-idejn, kwalunkwe flus kontanti, titolu u materjal ieħor ta' kull tip, kif ukoll id-dokumenti ta' appoġġ fir-rigward ta' l-amministrazzjoni tagħhom tal-fondi li ġew fdati lilhom u wkoll kwalunkwe ktieb, reġistru u dokument ieħor relatati magħhom;

(b)

jippreżentaw il-korrispondenza jew kwalunkwe dokument ieħor meħtieġ għall-implimentazzjoni sħiħa tal-verifika msemmija fil-paragrafu 1. L-informazzjoni pprovduta skond l-ewwel sentenza ta' dan il-punt tista' tintalab biss mill-Qorti ta' l-Awdituri.

3.   Il-Qorti ta' l-Awdituri għandha tingħata s-setgħa li tivverifika d-dokumenti fir-rigward tad-dħul u l-infiq tal-FEŻ li jkunu qed jinżammu mid-dipartimenti responsabbli tal-Kummissjoni.

4.   Il-kompitu li jiġi stabbilit li d-dħul ikun rċevut u li l-infiq sar b'mod legali u xieraq u li l-amministrazzjoni finanzjarja kienet tajba għandu jiġi estiż għall-użu, mill-korpi barra mill-Kummissjoni, tar-riżorsi tal-FEŻ bħala għotjiet.

5.   Il-finanzjament mir-riżorsi tal-FEŻ imħallas lil benefiċjarji barra mill-Kummissjoni għandu jkun suġġett għall-ftehim bil-miktub mill-benefiċjarji jew, jekk dawn ma jiftiehmux, mill-kuntratturi jew mis-subkuntratturi, għal verifika mill-Qorti ta' l-Awdituri ta' l-użu li sar mill-finanzjament mogħti.

6.   L-użu ta' sistemi integrati tal-kompjuter m'għandux ikollu l-effett li jnaqqas l-aċċess tal-Qorti ta' l-Awdituri għad-dokumenti ta' appoġġ.

7.   L-awtoritajiet nazzjonali ta' verifika ta' l-istati AKP għandhom ikunu mħeġġa sabiex jipparteċipaw fil-ħidma tal-Qorti ta' l-Awdituri.

Artikolu 139

1.   Ir-rapport annwali tal-Qorti ta' l-Awdituri għandu jkun regolat minn dan l-Artikolu.

2.   Il-Qorti ta' l-Awdituri għandha tittrasmetti lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard mill-15 ta' Ġunju, kwalunkwe osservazzjoni li, fl-opinjoni tagħha, tkun tali li għandha tidher fir-rapport annwali. Dawn l-osservazzjonijiet iridu jibqgħu kunfidenzjali. Il-Kummissjoni għandha tindirizza t-tweġibiet tagħha lill-Qorti ta' l-Awdituri sa mhux aktar tard mill-15 ta' Ottubru.

3.   Ir-rapport annwali għandu jkun fih valutazzjoni ta' kemm hi tajba l-amministrazzjoni finanzjarja.

4.   Il-Qorti ta' l-Awdituri tista' żżid kwalunkwe rapport sommarju jew kwalunkwe osservazzjoni ġenerali li jidrilha xieraq tagħmel.

5.   Il-Qorti ta' l-Awdituri għandha tieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex tiżgura li t-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-osservazzjonijiet tagħha jiġu ppubblikati immedjatament wara l-osservazzjonijiet relatati magħhom.

6.   Il-Qorti ta' l-Awdituri għandha tgħaddi lill-awtoritajiet responsabbli sabiex jagħtu kwittanza u lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard mill-15 ta' Novembru, ir-rapport annwali tagħha akkumpanjat mit-tweġibiet tal-Kummissjoni u għandha tiżgura l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 140

1.   Il-Qorti ta' l-Awdituri għandha tinnotifika lill-Kummissjoni bl-osservazzjonijiet kollha li, fl-opinjoni tagħha, ikunu tali li għandhom jidhru f'rapport speċjali. Dawn l-osservazzjonijiet iridu jibqgħu kunfidenzjali.

Il-Kummissjoni għandu jkollha xahrejn u nofs żmien sabiex tinforma lill-Qorti ta' l-Awdituri bi kwalunkwe kumment li tixtieq tagħmel dwar l-osservazzjonijiet in kwistjoni.

Il-Qorti ta' l-Awdituri għandha tadotta l-verżjoni definittiva tar-rapport speċjali in kwistjoni fix-xahar segwenti.

2.   Ir-rapporti speċjali msemmija fil-paragrafu 1, flimkien mat-tweġibiet tal-Kummissjoni, għandhom jiġu mgħoddija lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mingħajr dewmien, u kull wieħed minnhom għandu jiddeċiedi, fejn xieraq flimkien mal-Kummissjoni, liema azzjoni għandha tittieħed bħala risposta.

Jekk il-Qorti ta' l-Awdituri tiddeċiedi li tippubblika kwalunkwe wieħed minn tali rapporti speċjali fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, dawn għandhom ikunu akkumpanjati mit-tweġibiet tal-Kummissjoni.

3.   Il-Qorti ta' l-Awdituri, fuq it-talba ta' waħda mill-istituzzjonijiet l-oħra, tista' toħroġ opinjonijiet dwar kwistjonijiet relatati mal-FEŻ.

Artikolu 141

Fl-istess żmien tar-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 139, il-Qorti ta' l-Awdituri għandha tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b'dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-transazzjonijiet sottostanti.

KAPITOLU 3

Kwittanza

Artikolu 142

1.   Qabel il-15 ta' Mejju tas-sena N + 2, il-Parlament Ewropew, fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, għandu jagħti kwittanza lill-Kummissjoni fir-rigward ta' l-implimentazzjoni finanzjarja għas-sena N tar-riżorsi tal-FEŻ, li tamministra skond l-Artikolu 2.

2.   Jekk id-data prevista fil-paragrafu 1 ma tistax tintlaħaq, il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill għandu jinforma lill-Kummissjoni bir-raġunijiet għall-posponiment.

3.   Jekk il-Parlament Ewropew jipposponi d-deċiżjoni li tagħti kwittanza, il-Kummissjoni għandha tagħmel kull sforz sabiex tieħu miżuri, mill-aktar fis possibbli, sabiex tneħħi jew tiffaċilita t-tneħħija ta' l-ostakoli għal dik id-deċiżjoni.

Artikolu 143

1.   Id-deċiżjoni ta' kwittanza għandha tkopri l-kontijiet imsemmija fl-Artikolu 118, ħlief il-parti mill-kontijiet ipprovduta mill-BEI skond l-Artikolu 149(2).

2.   Bil-għan li jagħti l-kwittanza, il-Parlament Ewropew, wara li jkun għamel hekk il-Kunsill, għandu jeżamina l-kontijiet imsemmija fl-Artikolu 118. Huwa għandu jeżamina wkoll ir-rapport annwali magħmul mill-Qorti ta' l-Awdituri flimkien mat-tweġibiet tal-Kummissjoni, kwalunkwe rapport speċjali rilevanti mill-Qorti ta' l-Awdituri fir-rigward tas-sena finanzjarja in kwistjoni kif ukoll id-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni tal-Qorti ta' l-Awdituri dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-transazzjonijiet sottostanti.

3.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, fuq it-talba ta' dan ta' l-aħħar, kwalunkwe informazzjoni meħtieġa għall-kontroll ta' l-implimentazzjoni tar-riżorsi tal-FEŻ amministrati mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 2 għas-sena in kwistjoni.

L-aċċess għal informazzjoni kunfidenzjali u l-arranġamenti sabiex tkun immaniġġjata għandhom jikkonformaw mad-drittijiet fundamentali, mal-protezzjoni tas-segretezza tan-negozju, mad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedimenti ġudizzjarji u dixxiplinarji u l-interessi Komunitarji.

Artikolu 144

1.   Il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex taġixxi fuq l-osservazzjonijiet li jakkumpanjaw id-deċiżjoni ta' kwittanza tal-Parlament Ewropew u dwar il-kummenti li jakkumpanjaw ir-rakkomandazzjoni għall-kwittanza adottata mill-Kunsill.

2.   Fuq it-talba tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill, il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar il-miżuri meħuda fid-dawl ta' dawk l-osservazzjonijiet u l-kummenti, u, partikolarment, dwar l-istruzzjonijiet mogħtija lil dawk id-dipartimenti tagħha li huma responsabbli għall-implimentazzjoni finanzjarja tar-riżorsi tal-FEŻ. Dak ir-rapport għandu jiġi mgħoddi ukoll lill-Qorti ta' l-Awdituri.

3.   Id-deċiżjoni li tagħti l-kwittanza għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

IT-TIENI PARTI

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI DWAR IR-RIŻORSI TAL-FEŻ AMMINISTRATI MILL-BEI

Artikolu 145

Kull sena, qabel l-1 ta' Settembru, il-BEI għandu jibgħat lill-Kummissjoni l-istimi tiegħu għall-impenji u għall-ħlasijiet, li jkunu meħtieġa sabiex titfassal il-komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(1) tal-Ftehim Intern, fir-rigward ta' l-operazzjonijiet tal-Faċilità ta' Investiment, inklużi s-sussidji għar-rata ta' l-interessi, skond il-Ftehim Intern.

Il-BEI għandu jibgħat lill-Kummissjoni stimi aġġornati ta' l-impenji u tal-ħlasijiet meta jitqies li jkunu meħtieġa. Il-modalitajiet għandhom jiġu definiti fil-ftehim ta' amministrazzjoni msemmi fl-Artikolu 152.

Artikolu 146

1.   Il-kontribuzzjonijiet msemmija fl-Artikolu 58 u adottati mill-Kunsill għandhom jitħallsu mingħajr spiża għall-benefiċjarju mill-Istati Membri lill-BEI permezz ta' kont speċjali miftuħ mill-BEI f'isem il-Faċilità ta' Investiment skond ir-regoli dettaljati stabbiliti fil-ftehim ta' amministrazzjoni previst fl-Artikolu 152.

2.   Ħlief fejn il-Kunsill jiddeċiedi mod ieħor rigward ir-remunerazzjoni tal-BEI skond l-Artikolu 5 tal-Ftehim Intern, il-qligħ li jirċievi l-Bank permezz tal-bilanċ tal-kreditu tal-kontijiet speċjali msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu jiġi jissuplimenta lill-Faċilità ta' Investiment u għandu jittieħed kont tiegħu għas-sejħiet għal kontribuzzjoni imsemmija fl-Artikolu 57.

3.   Kwalunkwe dritt li jirriżulta mill-operazzjonijiet imwettqa mill-BEI bl-użu tar-riżorsi tal-FEŻ, u partikolarment id-drittijiet bħala kreditur jew sid, għandhom jiġu eżerċitati mill-Istati Membri.

4.   Il-BEI għandu jieħu ħsieb l-amministrazzjoni tat-teżor ta' l-ammonti msemmija fil-paragrafu 1 skond ir-regoli dettaljati stabbiliti fil-ftehim ta' amministrazzjoni previst fl-Artikolu 152.

5.   Il-Faċilità ta' Investiment għandha tiġi amministrata skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim AKP-KE, fid-Deċiżjoni dwar Assoċjazzjoni lil hinn mill-Baħar u fil-Ftehim Intern.

Artikolu 147

Il-BEI għandu jiġi remunerat b'indennizz sħiħ għall-amministrazzjoni ta' l-operazzjonijiet tal-Faċilità ta' Investiment. Il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar ir-riżorsi u l-mekkaniżmi għar-remunerazzjoni tal-Bank skond l-Artikolu 5(2) tal-Ftehim Intern. Il-miżuri li jimplimentaw dik id-deċiżjoni għandhom jiġu inkorporati fil-ftehim ta' amministrazzjoni previst fl-Artikolu 152.

Artikolu 148

Il-BEI għandu jinforma regolarment lill-Kummissjoni bl-operazzjonijiet imwettqa taħt il-Faċilità ta' Investiment, inklużi s-sussidji għar-rata ta' l-interessi, bl-użu li jsir minn kull sejħa għall-kontribuzzjonijiet mħallsa lill-BEI u, partikolarment, bl-ammonti trimestrali totali ta' l-impenji, il-kuntratti u l-ħlasijiet, skond ir-regoli dettaljati stabbiliti fil-ftehim ta' amministrazzjoni previst fl-Artikolu 152.

Artikolu 149

1.   Il-BEI għandu jżomm il-kontijiet tal-Faċilità ta' Investiment, inklużi s-sussidji għar-rata ta' l-interessi, iffinanzjati mill-FEŻ sabiex tiġi pprovduta traċċa għaċ-ċiklu sħiħ tal-fondi, minn meta jkunu rċevuti sa meta jsir il-ħlas u mbagħad sad-dħul li jingħata bidu għalih u kwalunkwe rkupru sussegwenti. Il-BEI għandu jfassal ir-regoli u l-metodi tal-kontabbiltà rilevanti skond l-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà u għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri b'dan.

2.   Kull sena l-BEI għandu jibgħat lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapport dwar l-implimentazzjoni ta' l-operazzjonijiet iffinanzjati mir-riżorsi tal-FEŻ taħt l-amministrazzjoni tiegħu, inklużi r-rapporti finanzjarji mfassla skond ir-regoli u l-metodi msemmija fil-paragrafu 1 u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 125(2).

Dawk id-dokumenti għandhom jitressqu f'forma ta' abbozz mhux sa aktar tard mit-28 ta' Frar u fil-verżjoni finali tagħhom sa mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju tas-sena finanzjarja segwenti, sabiex ikunu jistgħu jintużaw mill-Kummissjoni fit-tħejjija tal-kontijiet msemmija fl-Artikolu 118 ta' dan ir-Regolament skond l-Artikolu 11(6) tal-Ftehim Intern. Ir-rapport dwar l-amministrazzjoni finanzjarja tar-riżorsi amministrati mill-BEI għandu jitressaq minn dan ta' l-aħħar quddiem il-Kummissjoni sa mhux akar tard mill-31 ta' Marzu tas-sena finanzjarja segwenti.

Artikolu 150

Ir-regoli tal-BEI stess għandhom japplikaw għall-kuntratti ffinanzjati mir-riżorsi tal-FEŻ li jkun qiegħed jamministra.

Artikolu 151

Fejn il-programmi jew il-proġetti jiġu kofinanzjati mill-Istati Membri jew mill-korpi implimentattivi tagħhom u jikkorrispondu għall-prijoritajiet stabbiliti fl-Istrateġiji ta' Koperazzjoni għal kull Pajjiż previsti fir-Regolament implimentattiv previst fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 10(1) tal-Ftehim Intern u fl-Artikolu 20 tad-Deċiżjoni ta' Assoċjazzjoni lil hinn mill-Baħar, il-BEI jista' jafda r-responsabbilità għall-amministrazzjoni ta' l-għajnuna Komunitarja lill-Istati Membri jew lill-korpi implimentattivi tagħhom.

Artikolu 152

Ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' din il-Parti għandhom ikunu s-suġġetti ta' ftehim ta' amministrazzjoni bejn il-Kummissjoni, li taġixxi għan-nom tal-Komunità, u l-BEI.

IT-TIELET PARTI

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻIZZJONALI U FINALI

TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻIZZJONALI

KAPITOLU 1

Trasferiment tal-bilanċi li jifdal minn feż preċedenti

Artikolu 153

It-trasferiment lill-10 FEŻ tal-bilanċi li jifdal minn riżorsi kostitwiti skond il-Ftehim Interni relatati mas-7 (15), mat-8 (16) u mad-9 (17) FEŻs (minn hawn ‘il quddiem se jissejħu “FEŻ preċedenti”) għandhom isiru skond l-Artikolu 1(2)(b), (3) u (4) tal-Ftehim Intern.

Artikolu 154

Il-bilanċ tad-dħul ġej mill-interessi fuq ir-riżorsi ta' FEŻ preċedenti għandu jiġi trasferit lill-10 FEŻ u jiġi allokat għall-istess finijiet bħad-dħul previst fl-Artikolu 1(6) tal-Ftehim Intern. L-istess għandu japplika għad-dħul mixxellanju minn FEŻ preċedenti li jinkludu, per eżempju, l-interessi għad-dewmien riċevuti fil-każ ta' ħlas tard tal-kontribuzzjonijiet ta' dawk il-FEŻ mill-Istati Membri u l-interessi ġenerati mir-riżorsi tal-FEŻ amministrati mill-BEI.

KAPITOLU 2

Bilanċi li jifdal minn feż preċdenti

Artikolu 155

L-ammonti minn proġetti taħt id-9 FEŻ jew minn FEŻ preċedenti mhux impenjati skond l-art. 1(3) tal-Ftehim Intern, jew diżimpenjati jekk mhux deċiż mod ieħor mill-Kunsill unanimament skond l-art. 1(4) tal-Ftehim Intern, għandhom inaqqsu l-parti tal-kontribuzzjonijiet ta' l-Istati Membri ddikjarati fl-Artikolu 1(2)(a) tal-Ftehim Intern.

L-impatt fuq il-kontribuzzjoni ta' kull Stat Membru għandu jkun ikkalkolat bi proporzjon għall-kontribuzzjoni ta' kull Stat Membru għad-9 FEŻ. L-impatt se jiġi kkalkolat kull sena u għall-ewwel darba fis-sena wara r-reviżjoni tal-prestazzjoni ta' l-2010 prevista fl-Anness 1b għall-Ftehim AKP-KE.

KAPITOLU 3

Regoli applikabbli għall-implimentazzjoni tal-feż preċedenti

Artikolu 156

Id-dispożizzjonijiet ta' l-10 FEŻ dwar l-atturi finanzjarji, l-operazzjonijiet tad-dħul, il-validazzjoni, l-awtorizzazzjoni u l-ħlas ta' l-infiq, is-sistemi ta' l-IT, il-preżentazzjoni tal-kontijiet u l-kontabbiltà, u kif ukoll il-verifika esterna u l-kwittanza japplikaw ukoll għal operazzjonijiet iffinanzjati minn FEŻ preċedenti.

KAPITOLU 4

Perijodu tranżizzjonali

Artikolu 157

Il-proċedura li tikkonċerna l-kontribuzzjonijiet ta' l-Istati Membri stabbiliti fl-Artikoli 57 sa 61 għandha tapplika għall-ewwel darba għall-kontribuzzjonijiet tas-sena N + 2, bil-kondizzjoni li l-10 FEŻ jidħol fis-seħħ bejn l-1 ta' Ottubru tas-sena N u- t-30 ta' Settembru tas-sena N + 1.

Artikolu 158

Id-database ċentrali msemmija fl-Artikolu 98 għandha tiġi stabbilita sa l-1 ta' Jannar 2009.

TITOLU II

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 159

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika għall-istess perijodu bħall-Ftehim Intern.

Magħmul fi Brussell, 18 ta' Frar 2008

Għall-Kunsill

Il-President

D. RUPEL


(1)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

(2)  ĠU L 287, 28.10.2005, p. 4.

(3)  ĠU L 314, 30.11.2001, p. 1. Id-Deċiżjoni emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/249/KE (ĠU L 109, 26.4.2007, p. 33).

(4)  ĠU L 247, 9.9.2006, p. 22.

(5)  ĠU L 247, 9.9.2006, p. 32.

(6)  ĠU L 152, 13.6.2007, p. 1.

(7)  ĠU C 23, 28.01.2008, p. 2.

(8)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1525/2007 (ĠU L 343, 27.12.2007, p. 9).

(9)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 478/2007 (ĠU L 111, 28.4.2007, p. 13).

(10)  ĠU L 83, 1.4.2003, p. 1.

(11)  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1422/2007/KE (ĠU L 317, 5.12.2007, p. 34).

(12)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(13)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(14)  ĠU L 11, 16.1.2003, p. 1.

(15)  ĠU L 229, 17.8.1991, p. 288.

(16)  ĠU L 156, 29.5.1998, p. 108.

(17)  ĠU L 83, 1.4.2003, p. 1.


II Atti adottati skond it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom mhijiex obbligatorja

DEĊIŻJONIJIET

Il-Kunsill

19.3.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 78/35


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-18 ta' Frar 2008

li tadotta r-regoli ta' proċedura tal-Kumitat tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp

(2008/215/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' sħubija bejn il-membri tal-gruppi ta' l-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn banda waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa l-oħra, iffirmaw f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (1) u rivedut fil-Lussemburgu, fil-25 ta' Ġunju 2005 (“il-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE”),

Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, dwar il-Finanzjament ta' l-Għajnuna Komunitarja taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-perijodu 2008 sa l-2013 skond il-Ftehim ta' Sħubija ta' l-AKP-KE dwar l-allokazzjoni ta' assistenza finanzjarja għall-Pajjiżi u Territorji Barranin li għalih tapplika l-Parti Erbgħa tat-Trattat KE (2) (“il-Ftehim Intern”), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill 2007/617/KE ta' l-14 Mejju 2007 dwar l-implimentazzjoni ta' l-Għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp taħt il-Ftehim ta' Sħubija ta' l-AKP-KE (3) (“ir-Regolament ta' Implimentazzjoni ta' l-Għaxar FEŻ”),

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE tas-27 ta' Novembru 2001 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji lil hinn mill-baħar mal-Komunità Ewropea (4) (“id-Deċiżjoni ta' l-Assoċjazzjoni Barranija”),

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Ir-regoli ta' proċedura tal-Kumitat tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, kif stabbiliti fl-Anness, huma b'dan adottati.

Artikolu 2

Sad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim Intern ir-regoli ta' proċedura tal-Kumitat tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp għandhom japplikaw biss għall-ħtiġijiet ta' programmazzjoni u l-proċeduri relatati ta' tfassil ta' deċiżjonijiet imsemmija fit-titoli II u III tar-Regolament ta' Implimentazzjoni ta' l-Għaxar FEŻ, u, fir-rigward tal-PTB, fl-Artikoli 20 u 24 tad-Deċiżjoni ta' Assoċjazzjoni Barranija.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, 18 ta' Frar 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

D. RUPEL


(1)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3

(2)  ĠU L 247, 9.8.2006, p. 32.

(3)  ĠU L 152, 13.6.2007, p. 1.

(4)  ĠU L 314, 30.11.2001, p. 1. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/249/KE (ĠU L 109, 26.4.2007, p. 33).


ANNESS

REGOLI TA' PROĊEDURA TAL-KUMITAT TAL-FOND EWROPEW GĦALL-IŻVILUPP

Artikolu 1

Kompożizzjoni

Il-Kumitat tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (“il-Kumitat”) għandu jinkludi d-delegazzjonijiet ta' l-Istati Membri (“id-delegazzjonijiet”) u għandu jiġi ppresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

Rappreżentant tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment għandu jieħu parti fil-proċeduri tal-Kumitat.

Rappreżentant tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jattendi il-laqgħat bħala osservatur.

Artikolu 2

Referenza għall-Kumitat

1.   Għandha ssir referenza għall-Kumitat fil-każijiet, u konformement mal-proċeduri, stabbiliti fl-Għaxar Regolament ta' Implimentazzjoni tal-FEŻ u, fejn ikun il-każ, fid-Deċiżjoni ta' Assoċjazzjoni Barranija. Fir-rigward tar-responsabbiltajiet mogħtija lilu bid-Deċiżjoni ta' Assoċjazzjoni Barranija, il-Kumitat għandu jissejjaħ il-“Kumitat FEŻ-PTB”.

2.   Flimkien mal-każijiet ta' referenza previsti fil-paragrafu 1:

(a)

F'kull laqgħa l-Kummissjoni għandha tressaq lill-Kumitat lista tad-deċiżjonijiet meħuda fil-perijodu preċedenti abbażi ta' l-Artikolu 11 (2) u 12 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni ta' l-Għaxar FEŻ;

(b)

il-Kumitat għandu jiġi nfurmat malajr kemm jista' jkun b'dewmien jew diffikultajiet fl-implimentazzjoni tal-programmi annwali ta' azzjoni, tal-programmi specjali ta' appoġġ u tal-miżuri speċjali li jistgħu jirriżultaw f'impenni addizzjonali jew bidliet sostantivi sinifikanti li x'aktarx jinvolvu referenza obbligatorja taħt id-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta' Implimentazzjoni ta' l-Għaxar FEŻ.

Artikolu 3

Sejħa għal laqgħa

1.   Il-Kumitat għandu jiġi msejjaħ mill-President tiegħu, li jkun qed jaġixxi fuq l-inizjattiva tiegħu jew fuq it-talba ta' Stat Membru.

2.   Laqgħat konġunti tal-Kumitat ma' kumitati oħra jistgħu jiġu msejħa biex jiġu diskussi kwistjonijiet ta' interess komuni li jaqgħu fl-oqsma ta' responsabbiltà rispettivi tagħhom.

Artikolu 4

Aġenda

1.   Il-President għandu jħejji l-abbozz ta' aġenda u jippreżentah lill-Kumitat.

2.   L-aġenda għandha tagħmel distinzjoni bejn:

(a)

il-miżuri proposti li dwarhom il-Kumitat jintalab sabiex jagħti opinjoni skond il-proċeduri ta' tmexxija previsti fl-Artikolu 11 (3) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni ta' l-Għaxar FEŻ;

(b)

kwistjonijiet oħra mressqa lill-Kumitat taħt it-termini ta' l-Artikoli 11 (4) u (5) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni ta' l-Għaxar FEŻ, jew bl-inizjattiva tal-President jew b'talba bil-miktub minn Membru tal-Kumitat.

3.   Kwalunkwe delegazzjoni tista' titlob l-inklużjoni ta' xi punt fuq l-aġenda tal-laqgħat tal-Kumitat. L-informazzjoni relevanti fuq dawn il-punti tista' tingħata bil-fomm.

4.   L-aġenda għandha tinkludi l-approvazzjoni tal-minuti tal-laqgħa preċedenti.

Artikolu 5

Dokumentazzjoni li għandha tintbagħat lill-membri tal-Kumitat

1.   Il-President għandu jibgħat l-invit għal-laqgħa, l-abbozz ta' l-aġenda u l-miżuri proposti li dwarhom hemm bżonn l-opinjoni tal-Kumitat u kwalunkwe dokument ta' ħidma ieħor lill-membri tal-Kumitat permezz tas-segretarjat fil-lingwi uffiċjali tal-Komunità, bħala regola ġenerali mhux aktar tard minn 15-il jum ta' xogħol qabel id-data tal-laqgħa.

2.   F'każijiet urġenti, u fejn il-miżuri li għandhom jiġu addottati għandhom ikunu applikati immedjatament, il-President jista', fuq it-talba ta' membru tal-Kumitat jew fuq l-inizjattiva tiegħu/tagħha stess, iqassar il-perijodu stabbilit fil-paragrafu 1 għal ħamest ijiem ta' xogħol qabel id-data tal-laqgħa.

3.   B'eċċezzjoni, f'każijiet ta' urġenza estrema sostanzjati kif xieraq (eż. ċirkostanzi serji ekonomiċi, soċjali u politiċi, diżastri naturali sofferti mill-pajjiż benefiċjarju jew ċirkostanzi oħrajn ta' natura simili li jkunu jeħtieġu reazzjoni tassew rapida), il-President jista', bit-talba ta' Membru tal-Kumitat jew fuq l-inizjattiva tiegħu/tagħha stess, jinjora l-perijodi stabbiliti f'paragrafi 1 u 2.

4.   Il-paragrafi ta' dan l-Artikolu ma japplikawx għall-Karti ta' Strateġija u Programmi Indikattivi Pluriennali u l-aġġustament tagħhom b'riżultat tar-reviżjonijiet fit-terminu medju u dak aħħari imsemmija fl-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni ta' l-Għaxar FEŻ.

5.   Fil-każ ta' proposti li għandhom jingħataw lill-Kumitat għall-fehma tiegħu bi proċedura orali, id-delegazzjonijiet għandhom jinnotifikaw lis-segretarjat tal-Kumitat bil-miktub minn ta' l-inqas tlitt ijiem ta' xogħol qabel id-data tal-laqgħa:

(a)

b'dawk il-punti li għalihom fil-prinċipju jistgħu diġa' jagħtu l-qbil tagħhom u li huma jipproponu billi jinkludu bħala punti A (bil-kummenti/talbiet għal aktar informazzjoni jew mingħajr) fuq l-aġenda msemmija fl-Artikolu 4(1), u

(b)

dawk il-punti li jaħsbu li għandhom bżonn jiddiskutu u jipproponu li jiddaħħlu bħala punti B.

Id-delegazzjonijiet għandhom ukoll jifformulaw kwalunkwe kummenti jew talbiet għal aktar informazzjoni bil-miktub u fl-istess limitu ta' żmien.

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi aktar informazzjoni u tirrispondi għall kwalunkwe kummenti, kull fejn possibli bil-miktub u qabel il-laqgħa tal-Kumitat.

Artikolu 6

Trasmissjoni ta' dokumenti ta' Strateġija lill-Assemblea Parlamentari Konġunta

Skond l-Artikolu 4 (5) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni ta' l-Għaxar FEŻ, is-segretarjat tal-Kumitat ser jittrażmetti d-Dokumenti ta' Strateġija lill-Assemblea Parlamentari Konġunta għal informazzjoni fl-istess waqt li jintbagħtu lid-delegazzjonijiet fil-Kumitat.

Artikolu 7

Opinjoni tal-Kumitat

1.   Meta titressaq kwistjoni quddiem il-Kumitat għall-fehma tiegħu, din għandha tkun diskussa taħt il-kondizzjonijiet u skond il-proċedura stabbilita rispettivament fl-Artikolu 11 (3) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni ta' l-Għaxar FEŻ u fl-Artikolu 8 (2) u (3) tal-Ftehim Intern.

2.   Meta tintuża l-proċedural orali, u ssir bidla sostanzjali jew jiżdiedu elementi fattwali ġodda mal-miżuri ta' abbozz waqt il-laqgħa, il-President, fuq l-inizjattiva tiegħu/tagħha jew fuq it-talba ta' l-Istat Membru, jista'/tista' jipposponi/tipposponi l-vot fuq punt partikolari mill-aġenda sa tmiem il-laqgħa jew għal laqgħa oħra.

3.   Jekk, fis-sitwazzjoni deskritta fil-paragrafu 2, il-President ma jiddeċidix li jipposponi l-vot kif mitlub minn delegazzjoni waħda (jew aktar), dik/dawk id-delegazzjoni/jiet tista' tippreżenta/jistgħu jippreżentaw riżerva li tista' tkun irtirata f'massimu ta' tlett ijiem ta' xogħol mill-jum ta' wara l-laqgħa. L-opinjoni tal-Kumitat għandha tiġi rreġistrata bħala definittiva fuq l-iskadenza ta' dan il-perijodu. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri bil-pożizzjoni definittiva addottata mill-Istat Membru/Stati Membri li d-delegazzjoni/jiet tiegħu/tagħhom tkun ippreżentat/ikunu ppreżentaw riżerva fil-Kumitat.

4.   Jekk delegazzjoni hekk titlob, il-votazzjoni fuq kwistjoni tista' tkun posposta jekk id-dokumenti marbuta ma' aġenda speċifika ma jkunux intbagħtu lil membri fit-terminu ta' żmien stabbilit fl-Artikolu 5 (1) u (2). F'dak il-każ, il-President jista' jiddeċiedi li jestendi l-perijodu ta' konsultazzjoni, imma mhux aktar minn tmiem il-laqgħa ta' wara. Jekk ikun meħtieġ, tista' tkun applikata l-proċedura bil-miktub prevista fl-Artikolu 11 ta' dawn ir-regoli ta' proċedura.

Madanakollu, wara proposta mill-President jew wara talba minn membru tal-Kumitat, il-Kumitat jista' jiddeċiedi b'maġġoranza sempliċi ta' membri li jżomm dan il-punt fuq l-aġenda minħabba l-urġenza tal-kwistjoni.

5.   Fil-kuntest ta' eżaminazzjoni ta' programmi ta' azzjoni annwali, kwalunkwe delegazzjoni tista' titlob l-irtirar ta' proġett jew programm mill-programm ta' azzjoni annwali. Jekk din it-talba tkun appoġġata minn minorità ta' delegazzjonijiet li timblokka, kif stabbilit fl-Artikolu 9 (3), b'konnessjoni ma' 8 (2) tal-Ftehim Intern, il-programm ta' azzjoni annwali għandu jkun adottat mill-Kummissjoni mingħajr il-proġett jew programm in kwistjoni skond il-proċeduri ta' tmexxija stabbiliti fl-Artikolu 11 (3) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni ta' l-Għaxar FEŻ. Dment li l-Kummissjoni, skond il-fehmiet tad-delegazzjonijiet tal-Kumitat, ma tkunx tixtieq tissokkta bil-proġett jew programm irtirat, hu għandu jitressaq mill-ġdid lill-Kumitat barra l-programm ta' azzjoni annwali fil-forma ta' proposta għal finanzjament li għandha mbagħad tkun adottata mill-Kummissjoni skond il-proċeduri ta' tmexxija stabbiliti fl-Artikolu 11 (3) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni ta' l-Għaxar FEŻ.

Artikolu 8

Skambju ta' fehmiet

1.   Skond l-Artikolu 11 (4) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni ta' l-Għaxar FEŻ, il-Kumitat għandu jkollu skambju ta' fehmiet dwar il-konklużjonijiet ġenerali tar-reviżjonijiet ta' operat annwali u tar-rapport annwali msemmija fl-Artikolu 14 (3) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni ta' l-Għaxar FEŻ. Kull delegazzjoni tista' tappella ukoll għal skambju ta' fehmiet dwar l-evalwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 15 (2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni ta' l-Għaxar FEŻ.

Kull delegazzjoni tista' tistieden lill-Kummissjoni fi kwalunkwe mument sabiex tipprovdi informazzjoni lill-Kumitat u sabiex isir skambju ta' fehmiet dwar kwistjonijiet marbuta ma' l-impenji deskritti taħt l-Artikolu 11 (2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni ta' l-Għaxar FEŻ.

2.   Skambju ta' fehmiet bħal dan jista' jwassal għall-formulazzjoni ta' rakkomandazzjonijiet mid-delegazzjonijiet, li għandhom jitqiesu mill-Kummissjoni. Il-minuti tal-Kumitat għandhom jirriflettu l-interventi mwettqa. Intervent appoġġat minn maġġoranza kwalifikata ta' delegazzjonijiet, kif stabbilit fl-Artikolu 8 § 3, b'rabta ma' 8 § 2, tal-Ftehim Intern, għandu jkun reġistrat bħala rakkomandazzjoni.

Artikolu 9

Rappreżentanza u kworum

1.   Kull delegazzjoni titqies bħala membru wieħed tal-Kumitat. Kull Stat Membru għandu jiddeċiedi l-kompożizzjoni tad-delegazzjoni tiegħu u għandu jinforma lill-President b'dan.

2.   Bl-approvazzjoni tal-President, id-delegazzjonijiet jistgħu jiġu akkumpanjati minn esperti li mhumiex tal-gvern, bl-ispejjeż ta' l-Istat Membru konċernat. L-approvazzjoni tal-President tissejjes fuq l-avviż minn qabel tad-delegati lis-Segretarjat tal-Kumitat li jixtiequ jkunu akkumpanjati għal punt speċifiku ta' l-aġenda. Jekk il-President ma joġġezzjonax għall-parteċipazzjoni ta' espert qabel il-laqgħa in kwistjoni tal-Kumitat, il-permess jista' jitqies bħala mogħti.

3.   Delegazzjoni tista', jekk ikun meħtieġ, tirrapreżenta massimu ta' Stat Membru ieħor. Il-President tal-Kumitat għandu jiġi avżat bil-miktub mill-inqas qabel il-bidu tal-laqgħa mid-delegazzjoni li tkun rappreżentata.

4.   Il-kworum meħtieġ biex id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat ikunu validi huwa dak li jippermetti opinjoni b'maġġoranza kwalifikata li għandha tinħareġ skond l-Artikolu 11 (3) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni ta' l-Għaxar FEŻ.

Artikolu 10

Ammissjoni ta' partijiet terzi

1.   Il-President jista' jiddeċiedi li jisma' esperti fuq punti speċifiċi, fuq it-talba ta' membru jew fuq l-inizjattiva tiegħu/tagħha.

2.   Dawn l-esperti u dawk imsemmija fl-Artikolu 9(2) m' għandhomx ikunu preżenti jew jieħdu sehem meta l-Kumitat jgħaddi biex jieħu vot.

Artikolu 11

Il-proċedura bil-miktub

1.   Fejn il-miżuri proposti ikunu soġġetti għall-proċedura bil-miktub, id-delegazzjonijiet għandhom 15 il-jum ta' xogħol minn meta jintbagħtu l-proposti sabiex jadottaw pożizzjoni. Kwalunkwe delegazzjoni tal-Kumitat li ma tesprimix l-oppożizzjoni jew intenzjoni tagħha li tastjeni qabel it-terminu perentorju stabbilit fl-ittra titqies li qablet taċitament mal-proposta;

F'każijiet ta' urġenza jew urġenza estrema, it-termini perentorji stabbiliti fl-Artikolu 5(2) u (3) għandhom japplikaw. Il-każ ta' urġenza jew urġenza estrema għandu jkun sostanzjat bil-miktub mill-Kummissjoni. F'każijiet ta' urġenza estrema, il-qbil tad-delegazzjonijiet għandu jkun stabbilit biss jekk ikun ġie notifikat espressament. Kwalunkwe nuqqas ta' notifikazzjonijiet fi żmien 48 jitqies bħala astensjoni.

2.   Madankollu, jekk membru tal-Kumitat jitlob li l-miżuri abbozzati jitqiesu waqt laqgħa tal-Kumitat, il-proċedura bil-miktub għandha tintemm hemmhekk u l-miżuri proposti għandhom jitmexxew għal-laqgħa li tmiss tal-Kumitat.

3.   Il-Kummissjoni tgħarraf lill-Membri tal-Kumitat bil-miktub dwar ir-riżultat ta' proċedura bil-miktub hekk kif tkun adottata d-deċiżjoni in kwistjoni.

Artikolu 12

Appoġġ segretarjali

Is-servizzi segretarjali tal-Kumitat għandhom jiġu provduti mill-Kummissjoni.

Artikolu 13

Minuti u sommarju tar-rapport tal-laqgħat

Il-minuti ta' kull laqgħa għandhom jitħejjew taħt l-awspiċju tal-President u għandhom jinkludu l-opinjonijiet espressi dwar il-miżuri proposti u l-pożizzjonijiet espressi waqt il-laqgħa. Il-minuti għandhom jintbagħtu lill-membri tal-fi żmien 15-il jum ta' xogħol.

Il-membri tal-Kumitat għandhom jibagħtu kwalunkwe kummenti bil-miktub li jista' jkollhom fuq il-minuti lill-President. Il-Kumitat għandu jiġi nfurmat b'dan; jekk ikun hemm xi nuqqas ta' qbil, l-emenda proposta għandha tiġi diskussa mill-Kumitat. Jekk in-nuqqas ta' qbil jippersisti, l-emenda proposta għandha tiġi annessa għall-minuti.

Artikolu 14

Lista ta' attendenza

1.   F'kull laqgħa, il-President għandu jagħmel il-lista ta' l-attendenza li tispeċifika l-awtoritajiet u l-korpi li għalihom jappartjenu il-parteċipanti. Il-lista ta' attendenza titqassam lill-parteċipanti matul il-laqgħa.

2.   Fil-bidu ta' kull laqgħa, kwalunkwe delegazzjoni li l-parteċipazzjoni tagħha fix-xogħol tikkostitwixxi kunflitt ta' interess fir-rigward ta' punt partikolari fuq l-Aġenda għandha tgħarraf lill-President b'din is-sitwazzjoni. Il-membri tad-delegazzjonjiet li ma jappartjenux għal awtorità jew organizzazzjoni partikolari ta' Stat Membru għandhom jiffirmaw dikjarazzjoni fejn jiddikjaraw li l-parteċipazzjoni tagħhom ma tqajjem l-ebda kunflitt ta' interess.

Fl-eventwalità ta' kunflitt ta' interess bħal dan, il-membru konċernat għandu jirtira filwaqt li l-punti ta' l-aġenda relevanti qed jiġu trattati, fuq it-talba tal-President.

Artikolu 15

Korrispondenza

1.   Il-korrispondenza dwar il-Kumitat għandha tiġi indirizzata lill-Kummissjoni, għall-attenzjoni tas-segretarjat tal-Kumitat.

2.   Il-korrispondenza indirizzata lid-delegazzjonijiet mis-segretarjat għandha wkoll tintbagħat lir-Rappreżentant Permanenti ta' l-Istat Membru konċernat bl-aktar mod elettroniku rapidu u affidabbli.

3.   Ħlief f'sitwazzjonijiet eċċezzjonali, il-korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-membri tal-Kumitat għandha tintbagħat fiż-żewġ direzzjonijiet bil-mezzi kompjuterizzati provduti għal dak il-għan.

Artikolu 16

Trasparenza

1.   Il-prinċipji u l-kondizzjonijiet li jikkonċernaw l-aċċess pubbliku għad-dokumenti li japplikaw għall-Kumitat tal-FEŻ. Jekk talba bħal din tiġi mibgħuta lill-Istat Membru, hu għandu jaġixxi skond l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (1).

2.   Il-proċeduri tal-Kumitat għandhom ikunu kunfidenzjali għall-parteċipanti kollha.

Artikolu 17

Spejjeż ta' funzjonament

1.   L-ispejjeż ta' funzjonament tal-Kumitat, inklużi spejjeż ta' l-ivvjaġġar għal parteċipant wieħed minn kull Stat Membru, għandhom jiġu mħallsa mill-Kummissjoni.

Jekk l-approprjazzjoni finanzjarja allokata tippermetti u fil-limiti ta' din ta' l-aħħar, il-Kummissjoni għandha tkopri l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar ta' żewġ membri tad-delegazzjoni li jagħmlu talba f'dan is-sens.

2.   Il-Kummissjoni hija awtorizzata li trodd lura l-ispejjeż ta' l-akkomodazzjoni u ta' l-ivvjaġġar ta' l-esperti mistiedna skond l-Artikolu 8(1).

3.   Il-Kummissjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kumitat il-bini u r-riżorsi materjali neċessarji għax-xogħol tiegħu.


(1)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.