ISSN 1725-5104

Il-Ġurnal Uffiċjali

ta’ l-Unjoni Ewropea

Ħarġa Speċjali ( 1 )

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 49
3 ta' Novembru 2006


Werrej

 

I   Atti li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

Paġna

 

*

Deċiżjoni Nru 1622/2006/KE Tal-Parlament ewropew u tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Ottubru 2006 li tistabbilixxi azzjoni Komunitarja għall-avveniment tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura għas-snin mill-2007 sa l-2019

1

 


 

(1)   Din il-Ħarġa Speċjali bil-Malti hija ppubblikata bil-lingwi uffiċjali ta' l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea fil-ĠU L 304.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

3.11.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

1


DEĊIŻJONI Nru 1622/2006/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

ta’ l-24 ta’ Ottubru 2006

li tistabbilixxi azzjoni Komunitarja għall-avveniment tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura għas-snin mill-2007 sa l-2019

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 151 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (1),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi

(1)

Id-Deċiżjoni Nru 1419/1999/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) stabbilixxiet azzjoni Komunitarja għall-avveniment tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura għas-snin 2007 sa l-2019.

(2)

Minn studju li sar fuq ir-riżultati miksuba mill-avveniment tal-Belt Ewropea tal-Kultura sa l-2004 jidher li dan l-avveniment kellu impatt pożittiv f'dak li huwa l-effett mill-mezzi tax-xandir, l-iżvilupp tal-kultura u tat-turiżmu u l-għarfien, mill-abitanti, ta’ l-importanza tan-nomina tal-belt tagħhom; madankollu, l-azzjoni teħtieġ li tittejjeb, b'mod partikolari fir-rigward ta’ l-effett tagħha fit-tul fuq l-iżvilupp kulturali tal-belt u tar-reġjun konċernati.

(3)

Fejn l-ibliet jiġu megħjuna jinvolvu r-reġjun ta’ madwarhom, inklużi kwalunkwe gżejjer, ikun jista' jintlaħaq pubbliku akbar u l-impatt ta’ l-avveniment ikun jista' jiġi amplifikat.

(4)

Il-partijiet interessati fl-avveniment enfażizzaw il-problemi fil-proċess ta’ l-għażla stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 1419/1999/KE u rrakkomandaw il-monitoraġġ tal-proposti, b'mod partikolari sabiex itejbu d-dimensjoni Ewropea tagħhom, itejbu l-kompetizzjoni u jagħtu definizzjoni mill-ġdid ta’ l-irwol tal-bord.

(5)

L-importanza u l-impatt tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura jitolbu l-ħolqien ta’ proċess ta’ għażla mħallta, li jinvolvi livelli nazzjonali u Ewropej, u l-introduzzjoni ta’ element qawwi ta’ monitoraġġ u ta’ konsultazzjoni, sabiex ikun inkorporat komponent nazzjonali u sabiex tissaħħaħ id-dimensjoni Ewropea.

(6)

Il-fażi ta’ tħejjija ta’ l-avveniment hija ta’ importanza kruċjali sabiex jinkiseb suċċess skond l-għanijiet ta’ l-azzjoni.

(7)

Sabiex jiġi garantit il-valur miżjud Ewropew ta’ l-azzjoni, tinħtieġ fażi ta’ monitoraġġ wara n-nomina, li fiha, qabel kollox, tingħata attenzjoni sabiex jiġu sodisfatti l-kriterji stipulati għall-programm kulturali, u t-tieni li jkunu provduti pariri u assistenza minn esperti.

(8)

Għandu jitwaqqaf bord ta’ sitt esperti nazzjonali u seba' esperti Ewropej; il-bord kollu, magħmul minn tlettax-il espert (il-“bord ta’ l-għażla”) għandu jissorvelja l-fażi ta’ l-għażla sa meta tiġi nominata l-belt; is-seba' esperti Ewropej biss fuq il-bord (il-“bord ta’ monitoraġġ u ta’ konsultazzjoni”) għandhom jissorveljaw il-proċess ta’ monitoraġġ u jagħtu gwida lill-Kapitali Ewropej tal-Kultura matul il-fażi ta’ monitoraġġ sakemm iseħħ l-avveniment.

(9)

Bħala appoġġ u assistenza, kemm għall-ibliet applikanti kif ukoll għall-ibliet nominati, għandha tinħoloq website li tkun miżmuma kostantement u aġġornata regolarment mill-Kummissjoni, dwar is-suġġett ta’ Kapitali Ewropej tal-Kultura (applikazzjoni, għażla, implementazzjoni u konnessjonijiet).

(10)

Huwa importanti li jkun imħeġġeġ it-tixrid ta’ prattika tajba, speċjalment sabiex ikun garantit il-valur miżjud Ewropew ta’ l-azzjoni. Għalhekk, għandhom ikunu mħeġġa networks tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura uffiċjali preċedenti sabiex jassumu rwol kostruttiv fl-iskambju ta’ l-esperjenzi u ta’ l-aħjar prattika tagħhom mal-Kapitali Ewropej tal-Kultura tal-ġejjieni, l-aktar fuq il-bażi ta’ skambji matul il-fażi ta’ preparazzjoni.

(11)

Huwa importanti li tiġi premjata l-kwalità tal-programm f'termini ta’ l-għanijiet u l-kriterji ta’ l-azzjoni u b'mod partikolari l-valur miżjud Ewropew bl-għoti ta’ premju fi flus.

(12)

Sabiex ikun salvagwardat l-effett fit-tul ta’ l-avveniment tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura ikun mixtieq li jiġu użati l-inizjattiva, u l-istrutturi u l-kapaċitajiet li hija toħloq, bħala l-bażi għal strateġija dewwiema ta’ żvilupp kulturali għall-ibliet konċernati.

(13)

Għandu jiġi esplorat ix-Xahar Kulturali Ewropew (4), jew tiġi esplorata inizjattiva komparabbli, sabiex pajjiżi terzi ikunu jistgħu jieħdu sehem f'inizjattivi kulturali Ewropej.

(14)

Il-proċess tan-nomina stabbilit f'din id-Deċiżjoni jeħtieġ perjodu ta’ sitt snin sabiex jiġi implementat; dan il-perjodu ta’ sitt snin ma jistax jiġi garantit għas-snin 2011 u 2012 ladarba din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-2007. Għaldaqstant, għal dawn is-snin huwa previst proċess ta’ nomina.

(15)

Fl-interessi tal-kjarezza, id-Deċiżjoni Nru 1419/1999/KE għandha tiġi mħassra u sostitwita b'din id-Deċiżjoni,

IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Suġġett

Hija b'dan stabbilita azzjoni Komunitarja msejħa “Kapitali Ewropea tal-Kultura” sabiex tiġi enfażizzata r-rikkezza u d-diversità tal-kulturi Ewropej u l-karatteristiċi komuni tagħhom, kif ukoll sabiex tippromwovi konoxxenza reċiproka akbar bejn iċ-ċittadini Ewropej.

Artikolu 2

Aċċess għall-azzjoni

1.   Il-bliet fl-Istati Membri u fil-pajjiżi li sejrin jaderixxu ma’ l-Unjoni Ewropea wara l-31 ta’ Diċembru 2006 għandhom ikollhom id-dritt li jiġu nominati bħala Kapitali Ewropej tal-Kultura għal perjodu ta’ sena, fl-ordni stabbilita fl-Anness.

2.   In-nomina għandha tapplika għal belt waħda f'kull wieħed mill-Istati Membri li jidhru fil-lista fl-Anness.

L-ordni kronoloġika stabbilita f'dik il-lista tista' tinbidel bi ftehim reċiproku bejn l-Istati Membri konċernati.

Artikolu 3

Applikazzjonijiet

1.   Kull applikazzjoni għandha tinkludi programm kulturali b'dimensjoni Ewropea, ibbażat prinċipalment fuq il-koperazzjoni kulturali, skond l-għanijiet u l-azzjoni previsti fl-Artikolu 151 tat-Trattat.

2.   Il-programm kulturali ta’ l-avveniment għandu jinħoloq b'mod speċifiku għas-sena tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura billi jenfażizza l-valur miżjud Ewropew skond il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4.

3.   Il-programm għandu jkun konsistenti ma’ kwalunkwe strateġija kulturali nazzjonali jew mal-politika ta’ l-Istat Membru relevanti jew, fejn ikun applikabbli skond arranġamenti istituzzjonali ta’ l-Istat Membru, ma’ kwalunkwe strateġija kulturali reġjonali, sakemm kwalunkwe strateġija jew politika bħal din ma jkollhiex l-għan li tillimita n-numru ta’ bliet li jistgħu jiġu kkunsidrati għan-nomina ta’ Kapitali Ewropej tal-Kultura taħt din id-Deċiżjoni.

4.   Il-programm għandu jdum sena. F'każijiet ġustifikati kif dovut l-ibliet nominati jistgħu jiddeċiedu li jagħżlu perjodu iqsar.

5.   Għandha ssir konnessjoni bejn il-programmi ta’ l-ibliet nominati ta’ l-istess sena.

6.   L-ibliet jistgħu jagħżlu li jinvolvu r-reġjuni ta’ madwarhom fil-programmi tagħhom.

Artikolu 4

Kriterji għall-programm kulturali

Il-programm kulturali għandu jissodisfa l-kriterji li ġejjin, li huma maqsuma f'żewġ kategoriji, “Dimensjoni Ewropea” u “Belt u Ċittadini”:

1)

Fir-rigward tal-kriterji “Dimensjoni Ewropea”, il-programm għandu:

(a)

irawwem koperazzjoni bejn l-operaturi kulturali, l-artisti u l-ibliet mill-Istati Membri relevanti u minn Stati Membri oħra fi kwalunkwe settur kulturali,

(b)

jenfasizza r-rikezza tad-diversita kulturali fl-Ewropa,

(ċ)

jagħti prominenza lill-aspetti komuni tal-kulturi Ewropej.

2)

Fir-rigward tal-kriterji “Belt u Ċittadini”, il-programm għandu:

(a)

irawwem il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini li jgħixu fil-belt u fil-viċinanzi tagħha u jżid l-interess tagħhom kif ukoll l-interess taċ-ċittadini minn barra l-pajjiż,

(b)

ikun sostenibbli u jkun parti integrali mill-iżvilupp kulturali u soċjali tal-belt fuq medda twila ta’ żmien.

Artikolu 5

Preżentazzjoni ta’ l-applikazzjonijiet

1.   Għandha tiġi pubblikata sejħa sabiex jiġu preżentati applikazzjonijiet minn kull wieħed mill-Istati Membri konċernati mhux aktar tard minn sitt snin qabel ma jkollu jingħata bidu l-avveniment imsemmi.

Kull sejħa għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet, immirata lejn l-ibliet kandidati għat-titlu, għandha ssemmi l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4 u l-gwida disponibbli fil-website tal-Kummissjoni.

L-iskadenza sabiex jiġu ppreżentati applikazzjonijiet taħt kull sejħa għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għandha tkun skedata mhux aktar tard minn għaxar xhur wara li tiġi pubblikata.

Applikazzjoni ppreżentata fuq sejħa għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għandha tippreżenta l-linja ġenerali tal-programm li l-belt kandidata tippjana li twettaq għas-sena partikolari.

2.   L-applikazzjonijiet għandhom jiġu notifikati lill-Kummissjoni mill-Istat Membru konċernat.

Artikolu 6

Il-bord ta’ l-għażla

1.   Għandu jiġi stabbilit għal kull Stat Membru konċernat bord ta’ l-għażla sabiex jiġu valutati l-applikazzjonijiet ta’ l-ibliet kandidati. Kull bord għandu jirrakkomanda n-nomina ta’ belt waħda mill-Istat Membru konċernat.

2.   Kull bord ta’ l-għażla għandu jikkonsisti minn tlettax-il membru. Seba' minnhom għandhom ikunu l-persuni nominati mill-istituzzjonijiet Ewropej, kif imsemmi fil-paragrafu 4. Is-sitt membri li jifdal għandhom jiġu nominati mill-Istat Membru konċernat b'konsultazzjoni mal-Kummissjoni. L-Istat Membru konċernat għandu mbagħad jaħtar il-bord ta’ l-għażla. Il-bord għandu jaħtar il-president tiegħu minn fost il-persuni nominati mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill, mill-Kummissjoni u mill-Kumitat tar-Reġjuni.

3.   Il-membri tal-bord ta’ l-għażla għandhom ikunu esperti indipendenti li ma jkollhomx konflitti ta’ interess fir-rigward ta’ l-ibliet li jkunu wieġbu għas-sejħa għall-applikazzjonijiet, u b'esperjenza sostanzjali u kompetenza fis-settur kulturali, fl-iżvilupp kulturali ta’ l-ibliet jew fl-organizzazzjoni ta’ Kapitali Ewropea tal-Kultura.

4.   L-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jinnominaw il-membri tal-bordijiet ta’ l-għażla għal tliet snin kif ġej: żewġ membri għandhom ikunu nominati mill-Parlament Ewropew, tnejn mill-Kunsill, tnejn mill-Kummissjoni, u wieħed mill-Kumitat tar-Reġjuni. Bħala eċċezzjoni, fl-ewwel sena li li matulha tkun daħlet fis-seħħ din id-Deċiżjoni, żewġ esperti għandhom ikunu nominati mill-Kummissjoni għal sena, tnejn mill-Parlament Ewropew għal sentejn, tnejn mill-Kunsill għal tliet snin u wieħed mill-Kumitat tar-Reġjuni għal tliet snin.

Artikolu 7

Għażla preliminari

1.   Kull wieħed mill-Istati Membri konċernati għandu jlaqqa' l-bord ta’ l-għażla relevanti msemmi fl-Artikolu 6 għal laqgħa ta’ qabel l-għażla mhux aktar tard minn ħames snin qabel ma jkun wasal sabiex jibda l-avveniment.

2.   Il-bord ta’ l-għażla għandu jivvaluta l-applikazzjonijiet ta’ l-ibliet li wieġbu għas-sejħa għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet skond il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4.

Għandu jilħaq ftehim dwar lista mqassra ta’ bliet kandidati li għandhom ikomplu jiġu kunsidrati u joħroġ rapport dwar l-applikazzjonijiet ta’ l-ibliet kandidati u jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-ibliet kandidati mqiegħda fil-lista mqassra.

3.   Kull wieħed mill-Istati Membri konċernati għandu japprova formalment il-lista mqassra bbażata fuq ir-rapport tal-bord ta’ l-għażla.

Artikolu 8

L-għażla finali

1.   L-ibliet kandidati fil-lista mqassra għandhom ilestu l-applikazzjonijiet tagħhom u jibagħtuhom lill-Istati Membri konċernati, li għandhom imbgħad jgħadduhom lill-Kummissjoni.

2.   Kull wieħed mill-Istati Membri konċernati għandu jlaqqa' l-bord ta’ l-għażla relevanti, għall-għażla finali, disa' xhur wara l-laqgħa ta’ l-għażla preliminari.

3.   Il-bord ta’ l-għażla għandu jivvaluta l-programmi emendati ta’ l-ibliet kandidati imqiegħda fil-lista mqassra skond il-kriterji ta’ din l-azzjoni u r-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-bord matul il-laqgħa ta’ qabel l-għażla.

4.   Il-bord ta’ l-għażla għandu joħroġ rapport dwar il-programmi ta’ l-ibliet kandidati imqiegħda fil-lista mqassra flimkien ma’ rakkomandazzjoni għan-nomina ta’ belt waħda fl-Istat Membru konċernat bħala l-Kapitali Ewropea tal-Kultura.

Ir-rapport għandu jinkludi wkoll rakkomandazzjonijiet lill-belt nominata dwar il-progress u l-arranġamenti li għandhom isiru sas-sena konċernata, jekk tiġi nominata bħala Kapitali Ewropea tal-Kultura mill-Kunsill.

Ir-rapport għandu jiġi preżentat lill-Istat Membru konċernat u lill-Kummissjoni. Għandu jiġi pubblikat fil-website tal-Kummissjoni.

Artikolu 9

In-nomina

1.   Kull wieħed mill-Istati Membri konċernati għandu jinnomina belt waħda sabiex issir Kapitali Ewropea tal-Kultura u jinnotifika b'dan lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Kumitat tar-Reġjuni, mhux aktar tard minn erba' snin qabel ma’ jkun se jibda l-avveniment.

In-notifika għandha tkun akkumpanjata minn ġustifikazzjoni għan-nomina bbażata fuq ir-rapporti tal-bord ta’ l-għażla.

In-nomina għandha tieħu kont tar-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-bord ta’ l-għażla.

2.   Il-Parlament Ewropew jista' jgħaddi opinjoni lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn tliet xhur wara li jaslu n-nomini ta’ l-Istati Membri konċernati.

3.   Il-Kunsill, billi jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni magħmula fid-dawl ta’ l-opinjoni tal-Parlament Ewropew u l-ġustifikazzjonijiet ibbażati fuq ir-rapporti tal-bordijiet ta’ l-għażla, għandu jaħtar uffiċjalment l-ibliet in kwistjoni bħala Kapitali Ewropej tal-Kultura għas-sena li għaliha ġew nominati.

Artikolu 10

Il-bord ta’ monitoraġġ u ta’ konsultazzjoni

1.   Għandu jiġi mwaqqaf bord ta’ monitoraġġ u ta’ konsultazzjoni sabiex jimmonitorja l-implementazzjoni ta’ l-għanijiet u tal-kriterji ta’ l-azzjoni u sabiex jipprovdi lill-Kapitali Ewropej tal-Kultura b'appoġġ u gwida minn meta jiġu nominati sal-bidu ta’ l-avveniment tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura.

2.   Il-bord għandu jikkonsisti mis-seba' esperti nominati mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill, mill-Kummissjoni u mill-Kumitat tar-Reġjuni kif imsemmi fl-Artikolu 6(4). Barra minn hekk, l-Istat Membru konċernat jista' jinnomina osservatur fuq dan il-bord.

3.   Il-bliet konċernati għandhom jipprovdu rapporti dwar il-progress lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel il-laqgħat tal-bord.

4.   Il-Kummissjoni għandha tlaqqa' lill-bord u lir-rappreżentanti tal-belt konċernata. Il-bord għandu jiltaqa' f'żewġ okkażjonijiet sabiex jagħti pariri u jieħu rendikont fir-rigward tal-preparazzjonijiet għall-avveniment bil-ħsieb li jgħin lill-ibliet sabiex jiżviluppaw programm ta’ kwalita għolja b'dimensjoni Ewropea qawwija. L-ewwel laqgħa tiegħu għandha sseħħ mhux iktar tard minn sentejn qabel l-avveniment; it-tieni laqgħa tiegħu għandha sseħħ mhux iktar tard minn tmien xhur qabel l-avveniment.

5.   Wara kull laqgħa, il-bord għandu joħroġ rapport dwar l-istat tal-preparazzjonijiet għall-avveniment u dwar kwalunkwe passi li jkollhom jittieħdu. Ir-rapporti għandhom jagħtu kaz partikolari tal-valur miżjud Ewropew ta’ l-avveniment skond il-kriterji stipulati fl-Artikolu 4 u r-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fir-rapporti tal-bordijiet ta’ l-għażla u tal-bordijiet ta’ monitoraġġ u konsultazzjoni.

6.   Ir-rapporti għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni u lill-ibliet u lill-Istati Membri konċernati. Għandhom jiġu pubblikati wkoll fil-website tal-Kummissjoni.

Artikolu 11

Premju

Fuq il-bażi tar-rapport maħruġ mill-bord ta’ monitoraġġ u ta’ konsultazzjoni wara t-tieni laqgħa tiegħu kif imsemmi fl-Artikolu 10(4), għandu jingħata premju fi flus f'ġieh Melina Mercouri lill-ibliet nominati mill-Kummissjoni sakemm dawn ikunu ssodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4 u jkunu implementaw ir-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-bordijiet ta’ l-għażla u ta’ monitoraġġ u konsultazzjoni. Il-premju għandu jingħata kompletament mhux iktar tard minn tliet xhur qabel il-bidu tas-sena relevanti.

Artikolu 12

Valutazzjoni

Kull sena l-Kummissjoni għandha tiżgura l-valutazzjoni esterna u indipendenti tar-riżultati ta’ l-avveniment tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura tas-sena ta’ qabel skond l-għanijiet u l-kriterji ta’ l-azzjoni stipulati f'din id-Deċiżjoni.

Għandu jitressaq mill-Kummissjoni rapport dwar dik il-valutazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat tar-Reġjuni sa mhux aktar tard mit-tmiem tas-sena wara l-avveniment tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura.

Artikolu 13

Tħassir

Id-Deċiżjoni Nru 1419/1999/KE hija b'dan imħassra. Madankollu, dik id-Deċiżjoni għandha tkompli tapplika fil-każ ta’ bliet li ġew nominati Kapitali Ewropej tal-Kultura għall-2007, 2008 u 2009.

Artikolu 14

Disposizzjonijiet tranżizzjonali

1.   Il-bliet nominati bħala Kapitali Ewropej tal-Kultura għall-2010 fuq il-bażi tad-Deċiżjoni Nru 1419/1999/KE għandhom ikunu suġġetti għall-proċess ta’ monitoraġġ stabbilit fl-Artikolu 10 ta’ din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni għandha tagħti premju lill-ibliet nominati fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 11 ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   B'deroga mill-Artikoli 3 sa 9, in-nomini għal bliet Kapitali Ewropej tal-Kultura li jirrigwardaw is-snin 2011 u 2012 għandhom jiġu regolati mill-proċedura deċiżjonali li ġejja:

1)

L-ibliet fl-Istati Membri għandhom jiġu nominati Kapitali Ewropej tal-Kultura kif stabbilit fl-Anness;

2)

Kull Stat Membru għandu jippreżenta, kif stabbilit fl-Anness, in-nomina tiegħu ta’ belt waħda jew aktar lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Kumitat tar-Reġjuni;

3)

Nomina għandha tiġi preżentata mhux aktar tard minn erba' snin qabel il-ftuħ ta’ l-avveniment konċernat u tista' tkun akkumpanjata minn rakkomandazzjoni mill-Istat Membru konċernat.

4)

Il-Kummissjoni għandha kull sena tifforma bord ta’ l-għażla li għandu joħroġ rapport dwar in-nomina jew nomini li jkunu ġew iġġudikati vis-à-vis l-għanijiet u l-karatteristiċi ta’ din l-azzjoni.

5)

Il-bord ta’ l-għażla għandu jkun magħmul minn seba' personalitajiet indipendenti prominenti li jkunu esperti fis-settur kulturali, tnejn minnhom maħtura mill-Parlament Ewropew, tnejn mill-Kunsill, tnejn mill-Kummissjoni u wieħed mill-Kumitat tar-Reġjuni.

6)

Il-bord ta’ l-għażla għandu jippreżenta r-rapport tiegħu lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

7)

Il-Parlament Ewropew jista' jgħaddi opinjoni lill-Kummissjoni dwar in-nomina jew nomini mhux aktar tard minn tliet xhur wara li jirċievi r-rapport.

8)

Il-Kunsill, billi jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni magħmula fid-dawl ta’ l-opinjoni tal-Parlament Ewropew u tar-rapport tal-bord ta’ l-għażla, għandu uffiċjalment jinnomina l-belt konċernata bħala Kapitali Ewropea tal-Kultura għas-sena li għaliha tkun ġiet nominata.

3.   B'deroga mill-Artikolu 4, il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3 u fl-Anness II mad-Deċiżjoni Nru 1419/1999/KE għandhom japplikaw fil-każ tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura għall-2010, 2011 u 2012, sakemm il-belt konċernata ma tiddeċidix li tibbaża l-programm tagħha fuq il-kriterji stipulati fl-Artikolu 4 ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2007, bl-eċċezzjoni ta’ l-Artikolu 5, li għandu japplika mit-23 ta’ Novembru 2006.

Magħmul fi Strasburgu, nhar l-24 ta’ Ottubru 2006.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

P. LEHTOMÄKI


(1)  ĠU C 115, 16.5.2006, p. 56.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ April 2006 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta’ Settembru 2006.

(3)  ĠU L 166, 1.7.1999, p. 1. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 649/2005/KE (ĠU L 117, 4.5.2005, p. 20).

(4)  Konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Ministri tal-Kultura fil-Kunsill tat-18 ta’ Mejju 1990 dwar l-eliġibbilta futura għal “Kapitali Ewropea tal-Kultura” u dwar avveniment speċjali ta’ Xahar Kulturali Ewropew (ĠU C 162, 3.7.1990, p. 1).


ANNESS

L-ordni tad-dritt ta’ nomina ta’ “Kapitali Ewropea tal-Kultura” (1)

2007

Lussemburgu

Rumanija (2)

2008

Renju Unit

 

2009

Awstrija

Litwanja

2010

Ġermanja

Ungerija

2011

Finlandja

Estonja

2012

Portugall

Slovenja

2013

Franza

Slovakkja

2014

Svezja

Latvja

2015

Belġju

Repubblika Ċeka

2016

Spanja

Polonja

2017

Danimarka

Ċipru

2018

Olanda

Malta

2019

Italja

Bulgarija (3)


(1)  L-Irlanda kellha d-dritt li tinnomina “Kapitali Ewropea tal-Kultura” fl-2005, il-Greċja fl-2006.

(2)  Skond it-termini tad-Deċiżjoni Nru 1419/1999/KE, il-belt Rumena ta’ Sibiu kienet nominata bħala Kapitali Ewropea tal-Kultura għas-sena 2007.

(3)  Suġġett għall-adeżjoni tagħha ma’ l-UE, il-Bulgarija sejra tipparteċipa fl-avveniment tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura ta’ l-2019.