ISSN 1725-5104

Il-Ġurnal Uffiċjali

ta’ l-Unjoni Ewropea

Ħarġa Speċjali ( 1 )

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 49
13 ta' April 2006


Werrej

 

I   Atti li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

Paġna

 

*

Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen)

1

 

*

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 563/2006 tat-13 ta’ Marzu 2006 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-Komunità Ewropea u l-Gżejjer Solomon fuq is-sajd ’il barra mill-kosta tal-Gżejjer Solomon

33

Ftehim ta’ Sħubija Bejn il-Komunità Ewropea u l-Gżejjer Solomon dwar sajd ’il barra mill-kosta tal-Gżejjer Solomon

34

 

*

Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 dwar iż-żamma ta' data ġenerata jew proċessata b'konnessjoni mal-provvista ta' servizzi pubblikament disponibbli ta' komunikazzjoni elettronika jew ta' networks ta' komunikazzjoni pubblika u li temendi d-Direttiva 2002/58/KE

54

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika għar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2028/2004 tas-16 ta' Novembru 2004 li jemenda r-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000 li jimplimenta d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet ( ĠU L 352, 27.11.2004 )

64

 

*

Rettifika għad-Direttiva 2005/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar it-tniġġiż ikkawżat minn vapuri u l-introduzzjoni ta' sanzjonijiet għal ksur ( ĠU L 255, 30.9.2005 )

65

 

*

Rettifika għad-Direttiva 96/74/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1996 dwar ismijiet ta’ tessuti ( ĠU L 32, 3.2.1997 ) (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Volum 18, p. 226)

66

 


 

(1)   Din il-Ħarġa Speċjali bil-Malti hija ppubblikata bil-lingwi uffiċjali ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea fil-ĠU L 105

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

13.4.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

1


REGOLAMENT (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tal-15 ta' Marzu 2006

li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 62(1) u (2)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (1),

Billi:

(1)

L-adozzjoni ta’ miżuri taħt l-Artikolu 62(1) tat-Trattat biex ikun żgurat li ma jkun hemm ebda kontrolli fuq persuni li jaqsmu fruntieri interni tagħmel parti mill-objettiv ta’ l-Unjoni li tistabbilixxi żona mingħajr fruntieri interni fejn il-moviment liberu tal-persuni jkun żgurat, kif stabbilit fl-Artikolu 14 tat-Trattat.

(2)

Skond l-Artikolu 61 tat-Trattat, il-ħolqien ta’ żona fejn persuni jistgħu jiċċaqalqu b’mod liberu għandha tkun appoġġjata minn miżuri oħra. Il-politika komuni ta’ qsim ta’ fruntieri esterni, kif prevista mill-Artikolu 62(2) tat-Trattat, hi tali miżura.

(3)

L-adozzjoni ta’ miżuri komuni dwar il-qsim tal-fruntieri interni minn persuni u l-kontrolli fil-fruntieri esterni għandhom jirriflettu l-acquis ta’ Schengen inkorporat fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari d-disposizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen ta’ l-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta' l-Istati ta' l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar l-abolizzjoni gradwali ta' kontrolli fuq il-fruntieri komuni (2) u tal-Manwal Komuni (3).

(4)

Fir-rigward ta’ kontroll fuq il-fruntiera fil-fruntieri esterni, l-istabbiliment ta’ “corpus komuni” ta’ leġislazzjoni, b’mod partikolari permezz tal-konsolidazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis, huwa wieħed mill-komponenti fundamentali tal-politika komuni dwar l-amministrazzjoni tal-fruntieri esterni, kif definit fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Mejju 2002“Lejn amministrazzjoni integrata tal-fruntieri esterni ta’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea”. Dan l-objettiv kien inkluż fil-“Pjan għall-amministrazzjoni tal-fruntieri esterni ta’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea”, approvat mill-Kunsill fit-13 ta’ Ġunju 2002 u approvat mill-Kunsill Ewropew ta’ Sivilja fil-21 u t-22 ta’ Ġunju 2002 u mill-Kunsill Ewropew ta’ Tessaloniki fid-19 u l-20 ta’ Ġunju 2003.

(5)

Id-definizzjoni ta’ regoli komuni dwar il-moviment liberu ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntieri la jqiegħed f’dubju u lanqas ma jaffetwa d-drittijiet ta’ moviment liberu taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familji tagħhom u ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u membri tal-familji tagħhom li, skond ftehim bejn il-Komunità u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-waħda, u dawn il-pajjiżi terzi min-naħa l-oħra, għandhom drittijiet għal moviment liberu ekwivalenti għal dawk taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni.

(6)

Il-kontrolli fuq il-fruntieri huma fl-interess mhux biss ta’ l-Istat Membru li fil-fruntieri esterni tiegħu isiru dawn il-kontrolli, iżda ta’ l-Istati Membri kollha li abolixxew il-kontrolli fuq il-fruntieri interni. Il-kontroll fuq il-fruntiera għandu jgħin fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin u biex tkun prevenuta xi theddida għas-sigurtà interna, l-politika pubblika, is-saħħa pubblika u r-relazzjonijiet internazzjonali ta’ l-Istati Membri.

(7)

Il-verifiki fuq il-fruntiera għandhom jitwettqu b’mod li tkun rispettatata b’mod sħiħ id-dinjità umana. Il-kontroll fuq il-fruntiera għandu jitwettaq b’mod professjonali u rispettuż u jkun proporzjonat ma’ l-objettivi mfittxija.

(8)

Il-kontroll fuq il-fruntiera jikkonsisti mhux biss fil-verifiki fuq persuni f’punti ta’ qsim fuq il-fruntiera u s-sorveljanza bejn dawn il-punti ta’ qsim tal-fruntiera iżda wkoll analiżi tar-riskji għas-sigurtà interna u analiżi tat-theddid li jista’ jaffetwa s-sigurtà ta’ fruntieri esterni. Għalhekk hemm bżonn li jkunu stabbiliti l-kondizzjonijiet, il-kriterji u r-regoli dettaljati li jirregolaw il-verifiki f’punti ta’ qsim u s-sorveljanza.

(9)

Biex ikun evitat ħin ta’ stennija eċċessiv fuq il-fruntieri għandu jkun previst li l-verifiki fuq il-fruntieri esterni jiġu mnaqqsa f’każ ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali u mhux prevedibbli. L-ittimbrar sistematiku tad-dokumenti ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz jibqa’ obbligu f’każ li l-verifiki fuq il-fruntieri jiġu mnaqqsa. L-ittimbrar jagħmilha possibbli li jkunu stabbiliti, b’ċertezza, id-data u l-post ta' qsim tal-fruntiera, mingħajr ma jiġi stabbilit fil-każijiet kollha li l-miżuri kollha meħtieġa għall-kontroll tad-dokument ta' l-ivvjaġġar ikunu ġew imwettqa.

(10)

Biex jitnaqqas il-ħin ta’ stennija ta’ persuni li għandhom id-dritt Komunitarju għal moviment liberu, għandhom ikunu pprovduti korsiji separati, meta ċ-ċirkostanzi jippermettu, fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri, u li jkunu identifikati permezz ta’ indikazzjonijiet uniformi fl-Istati Membri kollha. Korsiji separati għandhom ikunu provduti f’ajruporti internazzjonali. Meta jkun meqjus xieraq u jekk iċ-ċirkostanzi lokali jippermettu dan, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw l-installazzjoni ta’ korsiji separati f’punti ta’ qsim tal-fruntieri marittimi u ta’ l-art.

(11)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ kontroll fil-fruntieri esterni ma jikkostitwixxux ostakolu kbir għal skambji kummerċjali, soċjali u kulturali. Għal dan il-għan huma għandhom iħaddmu numru adegwat ta’ persunal u riżorsi.

(12)

L-Istati Membri għandhom jinnominaw is-servizz jew is-servizzi nazzjonali responsabbli għax-xogħol ta’ kontroll tal-fruntiera skond il-liġi nazzjonali tagħhom. Fejn iktar minn servizz wieħed huwa responsabbli fl-istess Stat Membru, għandu jkun hemm kooperazzjoni mill-qrib u kostanti bejniethom.

(13)

Il-kooperazzjoni operattiva u l-assistenza bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-kontrolli fuq il-fruntiera għandhom ikunu amministrati u kkoordinati mill-“Aġenzija Ewropea għall-Amministrazzjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni ta’ l-Istati Membri” stabbilita mir-Regolament (KE) Nru 2007/2004 (4).

(14)

Dan ir-Regolament hu mingħajr preġudizzju għall-verifiki mwettqa taħt is-setgħat ġenerali tal-pulizija u l-verifiki ta’ sigurtà fuq persuni identiċi għal dawk imwettqa għal titjiriet domestiċi, għall-possibbiltajiet ta’ l-Istati Membri li jwettqu kontrolli eċċezzjonali fuq il-bagalji skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3925/91 tad-19 ta' Diċembru 1991 dwar l-eliminazzjoni ta’ kontrolli u formalitajiet applikabbli għall-bagalji tal-kabina u ta’ l-istiva ta’ persuni fuq titjiriet intra-Komunitarji u l-bagalji ta’ persuni li jkunu qed jagħmlu vjaġġi bil-baħar intra-Komunitarji (5), u għal liġi nazzjonali dwar il-pussess ta’ dokumenti ta’ l-ivvjaġġar jew ta’ l-identità jew il-ħtieġa li persuni jinnotifikaw lill-awtoritajiet bil-preżenza tagħhom fuq it-territorju ta’ l-Istat Membru kkonċernat.

(15)

L-Istati Membri għandu jkollhom ukoll il-possibbiltà li jerġgħu jdaħħlu b’mod temporanju il-kontrolli tal-fruntiera fuq il-fruntieri interni f’każ ta’ theddida serja għall-politika pubblika, jew għas-sigurtà interna tagħhom. Il-kondizzjonijiet u l-proċeduri biex isir dan għandhom ikunu stabbiliti sabiex jiġi assigurat li tali miżura tkun eċċezzjonali u li l-prinċipju tal-proporzjonalità ikun rispettat. Il-kamp ta’ applikazzjoni u t-tul taż-żmien tal-kontrolli tal-fruntiera għandhom ikunu ristretti għall-minimu indispensabbli meħtieġ sabiex tkun indirizzata din it-theddida.

(16)

F’żona fejn il-persuni jistgħu jiċċirkolaw b’mod liberu, id-dħul mill-ġdid ta’ kontroll tal-fruntiera fil-fruntieri interni għandu jibqa’ l-eċċezzjoni. Il-kontroll fuq il-fruntiera ma għandux jitwettaq jew ikunu imposti formalitajiet biss minħabba li jkun hemm qsim ta' tali fruntiera.

(17)

Għandha tkun prevista proċedura li tippermetti lill-Kummissjoni biex tadatta ċerti regoli prattiċi dettaljati li jirregolaw il-kontrolli fuq il-fruntiera. F’każijiet bħal dawn, il-miżuri meħtieġa sabiex jiġi implimentat dan ir-Regolament għandhom jittieħdu skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni (6).

(18)

Għandha tkun prevista wkoll proċedura li tippermetti lill-Istati Membri li jinnotifikaw lill-Kummissjoni bit-tibdiliet f’regoli prattiċi dettaljati oħra li jirregolaw il-kontroll fuq il-fruntiera.

(19)

Peress illi l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-istabbiliment ta’ regoli applikabbli għall-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntieri, ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk jintlaħqu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq dak il-għan.

(20)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari fill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea. Huwa għandu jiġi implimentat skond l-obbligi ta’ l-Istati Membri fir-rigward tal-protezzjoni internazzjonali u non-refoulement.

(21)

B’deroga mill-Artikolu 299 tat-Trattat, l-uniċi territorji ta’ Franza u l-Olanda li għalihom japplika dan ir-Regolament huma dawk li jinsabu fl-Ewropa. Huwa ma jaffettwax l-arranġamenti speċifiċi li japplikaw għal Ceuta u Melilla, kif definiti fil-Ftehim dwar l-Adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja għall-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen ta’ l-14 ta' Ġunju 1985 (7).

(22)

Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-Pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma tipparteċipax fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament, u mhix marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Billi dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta’ Schengen skond id-disposizzjonijiet tat-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka għandha, skond l-Artikolu 5 tal-Protokoll imsemmi, tiddeċiedi fi żmien sitt xhur wara d-data ta' l-adozzjoni ta' dan ir-Regolament jekk hix ser timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha jew le.

(23)

Fil-każ ta’ l-Islanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp fid-disposizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk iż-żewġ Stati ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen (8) li jaqgħu taħt il-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt A tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta' dak il-Ftehim (9).

(24)

Għandu jsir arranġament li jippermetti lil rappreżentanti ta' l-Islanda u n-Norveġja li jkunu assoċjati mal-ħidma ta' kumitati li jassistu lill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat implimentattivi tagħha. Tali arranġament ġie kkunsidrat fl-Iskambju ta’ Ittri bejn il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar il-Kumitati li jgħinu lill-Kummissjoni Ewropea fl-eżerċizzju tas-setgħat eżekuttivi tagħha (10), annessi mal-Ftehim imsemmi hawn fuq.

(25)

Fir-rigward ta’ l-Isvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp fid-disposizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen, fis-sens tal-Ftehim iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen, li jaqgħu taħt il-qasam imsemmi fl-Artikolu 1(A) tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien ma’ l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2004/849/KE (11) u 2004/860/KE (12).

(26)

Għandu jsir arranġament li jippermetti lil rappreżentanti ta' l-Isvizzera li jkunu assoċjati mal-ħidma ta' kumitati li jassistu lill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat implimentattivi tagħha. Tali arranġament ġie kkontemplat fl-Iskambju ta’ Ittri bejn il-Komunità u l-Isvizzera, annessi mal-Ftehim imsemmi hawn fuq.

(27)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-disposizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen li fihom ir-Renju Unit ma jieħux parti, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jieħu sehem f’xi wħud mid-disposizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen (13). Ir-Renju Unit għaldaqstant mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhux marbut bih jew soġġett għall-applikazzjoni tiegħu.

(28)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp fid-disposizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda ma tiħux sehem, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 dwar it-talba ta’ l-Irlanda biex tieħu sehem f’xi wħud mid-disposizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen (14). L-Irlanda għaldaqstant mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhix marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(29)

F' dan ir-Regolament, l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 1, l-Artikolu 5(4)(a), Titolu III u d-disposizzjonijiet tat-Titolu III u l-annessi tiegħu li jirreferu għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) jikkostitwixxu disposizzjonijiet li jibnu fuq l-acquis ta’ Schengen jew li huma relatati miegħu xort’oħra fis-sens ta’ l-Artikolu 3(2) ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-2003.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

TITOLU I

DISPOSIZZJONIJIET ġENERALI

Artikolu 1

Suġġett u prinċipji

Dan ir-Regolament jipprovdi għall-assenza ta’ kontrolli fuq il-fruntiera ta’ persuni li jkunu qed jaqsmu l-fruntieri interni bejn l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea.

Huwa jistabbilixxi regoli li jirregolaw il-kontroll fuq il-fruntiera ta’ persuni li jkunu qed jaqsmu l-fruntieri esterni ta’ l-Istati membri ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1)

“fruntieri interni” tfisser:

a)

il-fruntieri ta’ l-art komuni, inklużi l-fruntieri tax-xmajjar u l-lagi, ta’ l-Istati Membri;

b)

l-ajruporti ta’ l-Istati Membri għal titjiriet interni;

ċ)

il-portijiet tal-baħar, tax-xmajjar u tal-lagi ta’ l-Istati Membri għal kollegamenti regolari bi traġitt;

2)

“fruntieri esterni” tfisser il-fruntieri ta’ l-art ta’ l-Istati Membri, inklużi l-fruntieri tax-xmajjar u l-lagi, il-fruntieri marittimi u l-ajruporti, il-portijiet tax-xmajjar, tal-baħar u tal-lagi tagħhom, sakemm m’humiex fruntieri interni;

3)

“titjira interna” tfisser kwalunkwe titjira esklussivament lejn jew minn territorji ta’ l-Istati Membri u li ma tagħmilx inżul fit-territorju ta’ pajjiż terz;

4)

“kollegament regolari bi traġett” tfisser kwalunkwe kollegament bi traġett bejn l-istess żewġ portijiet jew aktar li jkunu fit-territorju ta’ l-Istati Membri, li ma jżurx xi port barra t-territorju ta’ l-Istati Membri u li jikkonsisti fit-trasport ta’ passiġġieri u vetturi skond skeda ppubblikata;

5)

“persuni li għandhom id-dritt Komunitarju għal moviment liberu” tfisser:

a)

ċittadini ta’ l-Unjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 17(1) tat-Trattat, u ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni li jeżerċita id-dritt tiegħu għal moviment liberu u li għalihom tapplika d-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar id-dritt taċ-ċittadini ta' l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu u jirrisjedu liberament fit-territorju ta' l-Istati Membri (15),

b)

ċittadini ta’ pajjiżi terzi u l-membri tal-familja tagħhom, tkun xi tkun iċ-ċittadinanza tagħhom, li skond xi ftehim bejn il-Komunità u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-waħda, u dawk il-pajjiżi terzi min-naħa l-oħra, għandhom id-drittijiet għal moviment liberu ekwivalenti għal dawk ta’ ċittadini ta’ l-Unjoni;

6)

“ċittadin ta’ pajjiż terz” tfisser kwalunkwe persuna li mhix ċittadin ta’ l-Unjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 17(1) tat-Trattat u li mhix koperta mill-punt 5 ta' dan l-Artikolu;

7)

“persuni li għalihom ikun inħareġ allert sabiex ma jitħallewx jidħlu” tfisser kwalunkwe ċittadin ta’ pajjiż terz li għalih ikun inħareġ allert fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (“SIS”)skond u għall-finijiet ta’ l-Artikolu 96 tal-Konvenzjoni ta’ Schengen;

8)

“punt ta’ qsim tal-fruntiera” tfisser kwalunkwe punt ta’ qsim awtorizzat mill-awtoritajiet kompetenti sabiex ikunu jistgħu jinqasmu l-fruntieri esterni;

9)

“kontroll fuq il-fruntiera” tfisser l-attività mwettqa fuq fruntiera, skond u għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, bħala risposta esklussivament għal xi intenzjoni ta’ qsim jew l-att ta’ qsim ta’ dik il-fruntiera, irrispettivament minn kull konsiderazzjoni oħra, li tikkonsisti f’verifiki fuq il-fruntiera u sorveljanza fuq il-fruntiera;

10)

“verifiki fuq il-fruntiera” tfisser il-verifiki mwettqa f’punti tal-qsim tal-fruntiera, sabiex ikun żgurat li persuni, il-mezzi tat-trasport tagħhom u l-oġġetti fil-pussess tagħhom jitħallew jidħlu fit-territorju ta’ l-Istati Membri jew jitilqu minnu;

11)

“sorveljanza fuq il-fruntiera” tfisser is-sorveljanza tal-fruntieri bejn il-punti ta’ qsim tal-fruntiera u s-sorveljanza ta’ punti ta’ qsim tal-fruntiera barra mill-ħinijiet stabbiliti ta’ ftuħ, sabiex persuni ma jitħallewx jevitaw il-verifiki fuq il-fruntiera;

12)

“verifika tat-tieni linja” tfisser verifika ulterjuri li tista’ titwettaq f’lok speċjali lil hinn mil-lok li fih titwettaq verifika fuq kull persuna (l-ewwel linja);

13)

“gwardja tal-fruntiera” tfisser kull uffiċjal pubbliku assenjat, skond il-liġi nazzjonali, ma’ xi punt ta’ qsim tal-fruntiera jew matul xi fruntiera jew fil-viċinanza immedjata ta’ dik il-fruntiera li jwettaq, skond dan ir-Regolament u l-liġi nazzjonali, xogħol ta’ kontroll ta’ fuq il-fruntiera;

14)

“trasportatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li l-professjoni tagħha hi dik li tipprovdi t-trasport ta’ persuni;

15)

“permess ta’ residenza” tfisser:

a)

il-permessi ta’ residenza kollha maħruġa mill-Istati Membri skond il-format uniformi stabbilit mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 tat-13 ta' Ġunju 2002 li jistabbilixxi format uniformi għall-permessi ta' residenza għal- ċittadin(i) ta' pajjiż terz (16);

b)

kull dokument ieħor maħruġ minn Stat Membru lil ċittadin(i) ta’ pajjiż terz li jawtorizza soġġorn jew id-dħul mill-ġdid fit-territorju tagħhom, bl-eċċezzjoni ta’ permessi temporanji maħruġa sakemm tkun eżaminata l-ewwel applikazzjoni għal permess ta’ residenza msemmi fil-punt (a) jew applikazzjoni għal asil;

16)

“bastiment tal-kruċiera” tfisser bastiment li jsegwi itinerarju partikolari skond programm determinat minn qabel, li jinkludi programm kollettiv ta’ attivitajiet għat-turisti f’diversi portijiet, u li normalment la jtella’ passiġġieri u lanqas ma jħalli passiġġieri jiżbarkaw waqt il-vjaġġ;

17)

“dgħajjes tad-divertiment” tfisser l-użu ta’ dgħajjes tad-divertiment għal skopijiet ta’ sport jew turiżmu;

18)

“sajd mal-kosta” tfisser sajd imwettaq permezz ta’ bastimenti li jirritornaw kuljum jew fi żmien 36 siegħa lejn port li jinsab fit-territorju ta’ xi Stat Membru mingħajr ma jidħlu f’port li jinsab f' pajjiż terz;

19)

“theddida għas-saħħa pubblika” tfisser kull marda b’potenzal ta’ epidemija kif definiti fir-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u mard infettiv ieħor jew mard parassitiku kontaġjuż jekk ikunu s-suġġett ta’ disposizzjonijiet ta’ protezzjoni li japplikaw għal ċittadini ta’ l-Istati Membri.

Artikolu 3

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu japplika għal kull persuna li taqsam il-fruntieri interni jew esterni ta’ l-Istati Membri, mingħajr preġudizzju:

(a)

għad-drittijiet ta’ persuni li għandhom id-dritt Komunitarju għal moviment liberu;

(b)

għad-drittijiet ta’ refuġjati u persuni li jitolbu protezzjoni internazzjonali, b’mod partikulari fir-rigward tan-non refoulement.

TITOLU II

FRUNTIERI ESTERNI

KAPITOLU I

Il-qsim ta’ fruntieri esterni u l-kondizzjonijiet għad-dħul

Artikolu 4

Qsim ta’ fruntieri esterni

1.   Il-fruntieri esterni jistgħu jinqasmu biss minn punti ta’ qsim tal-fruntiera u waqt il-ħinijiet tal-ftuħ stabbiliti. Il-ħinijiet tal-ftuħ għandhom ikunu indikati b’mod ċar fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera li mhumiex miftuħa għal 24 siegħa kuljum.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw il-lista ta’ punti ta’ qsim tal-fruntiera tagħhom lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 34.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, jistgħu jkunu permessi eċċezzjonijiet għall-obbligu li wieħed jaqsam fruntieri esterni biss f’punti ta’ qsim tal-fruntiera u waqt ħinijiet ta’ ftuħ stabbiliti:

(a)

b’konnessjoni ma’ dgħajjes tad-divertiment jew sajd mal-kosta;

(b)

għal baħħara li jinżlu l-art għal soġġorn fiż-żona tal-port fejn jidħlu l-bastimenti tagħhom jew fil-muniċipalitajiet tal-viċinanzi;

(ċ)

għal individwi jew gruppi ta’ persuni, fejn hemm ħtieġa ta’ natura speċjali, basta li jkunu fil-pussess tal-permessi meħtieġa mil-liġi nazzjonali u li dan ma jkunx f’konflitt ma’ l-interessi tal-politika pubblika u s-sigurtà interna ta’ l-Istati Membri.

(d)

għal individwi jew gruppi ta’ persuni f’każ ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza mhux prevista.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet previsti fil-paragrafu 2 jew għall-obbligi tagħhom ta’ protezzjoni internazzjonali, l-Istati Membri għandhom jintroduċu penali, skond il-liġi nazzjonali tagħhom, għall-qsim mhux awtorizzat ta’ fruntieri esterni f’postijiet li mhumiex punti ta’ qsim jew f’ħinijiet li mhumiex il-ħinijiet ta’ ftuħ stabbiliti. Dawn il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Artikolu 5

Kondizzjonijiet ta’ dħul għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi

1.   Għal soġġorni li ma jeċċedux tliet xhur f’kull perijodu ta’ sitt xhur, il-kondizzjonijiet ta’ dħul għal ċittadini ta’ pajjiż terz għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

ikunu fil-pussess ta’ dokument jew dokumenti validi ta’ vjaġġar li jawtorizzawhom jaqsmu l-fruntiera;

(b)

ikunu fil-pussess ta’ viża valida, jekk meħtieġ skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom irid ikollhom viżi meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dak ir-rekwiżit (17), ħlief meta jkollhom permess ta’ residenza validu;

(ċ)

jiġġustifikaw l-għan u l-kondizzjonijiet tas-soġġorn li jkunu bi ħsiebhom jagħmlu u jkollhom mezzi biżżejjed ta’ sussistenza, kemm għall-perijodu tas-soġġorn li jkunu bi ħsiebhom jagħmlu kif ukoll għar-ritorn lejn il-pajjiż ta’ l-oriġini tagħhom jew transitu lejn pajjiż terz fejn ikunu ċerti li ser jitħallew jidħlu, jew ikunu f’posizzjoni li jakkwistaw dawn il-mezzi legalment;

(d)

ma jkunux persuni li għalihom ikun inħareġ allert fis-SIS sabiex jiġi miċħud id-dħul;

(e)

mhumiex meqjusa bħala theddida għall-politika pubblika, is-sigurtà interna, is-saħħa pubblika jew ir-relazzjonijiet internazzjonali ta’ xi Stat Membru partikolarment jekk l-ebda allert ma jkun inħareġ fid-databases nazzjonali ta’ l-Istati Membri sabiex jiġi miċħud id-dħul għall-istess raġunijiet.

2.   Lista mhix eżawrjenti ta’ dokumenti ta’ sostenn li l-gwardja tal-fruntiera jista’ jitlob minn ċittadin ta’ pajjiż terz sabiex jivverifika li l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 punt ċ huma sodisfatti hija inkluża fl-Anness I.

3.   Il-mezzi ta’ sussistenza għandhom jiġu valutati skond it-tul u l-għan tas-soġġorn u b’referenza għall-prezzijiet medji għall-ikel u l-irqad fl-Istat Membru jew Stati Membri konċernati, li għandu jiġi determinat f’akkomadazzjoni rħisa immultiplikata bin-numru ta’ jiem ta’ soġġorn.

Ammonti ta’ referenza stabbiliti mill-Istati Membri għandhom ikunu nnotifikati lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 34.

L-istima ta’ mezzi suffiċjenti ta’ sussitenza tista’ tkun ibbażata fuq flus, travellers cheques u karti ta’ kreditu li jkunu fil-pussess taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz. Dikjarazzjonijiet ta’ persuni li jagħmlu tajjeb għalihom, fejn dawn id-dikjarazzjonijiet huma previsti mil-liġi nazzjonali u ittri ta’ garanzija mill-ospitanti, kif definit mil-liġi nazzjonali, f’każ li ċ-ċittadin minn pajjiż terz ikun qed joqgħod ma’ persuna li tkun qed tospitah, jistgħu wkoll jikkostitwixxu evidenza ta’ mezzi suffiċjenti ta’ sussistenza.

4.   B’deroga mill-paragrfu 1:

(a)

Ċittadini ta’ pajjiż terz li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet kollha għad-dħul imsemmija fil-paragrafu 1 iżda li jkollhom permess ta’ residenza jew viża ta’ dħul mill-ġdid maħruġa minn wieħed mill-Istati Membri jew, fejn meħtieġ, iż-żewġ dokumenti, għandhom jitħallew jidħlu fit-territorji ta’ l-Istati Membri l-oħra għal finijiet ta’ transitu sabiex ikunu jistgħu jaslu fit-territorju ta’ l-Istat Membru li jkun ħareġ il-permess ta’ residenza jew il-viża ta’ dħul mill-ġdid, sakemm isimhom ma jkunux fuq il-lista nazzjonali ta’ l-allerti ta’ l-Istat Membru li l-fruntieri esterni tiegħu ikunu qed jippruvaw jaqsmu u li ma’ l-allert ma jkunx hemm struzzjonijiet biex huma ma jitħallewx jidħlu jew jagħmlu transitu.

(b)

Ċittadini ta’ pajjiż terz li jissodisfaw il-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, ħlief għall-punt (b), u li jippreżentaw ruħhom fuq il-fruntiera jistgħu jitħallew jidħlu fit-territorji ta’ l-Istati Membri, jekk tinħareġ viża fil-fruntiera skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 415/2003 tas-27 ta' Frar 2003 dwar il-kwistjoni tal-viżi fuq il-fruntiera, inkluż il-ħruġ ta' dawn il-viżi lil baħħara li qed jivjaġġaw (18).

Viżi maħruġa fil-fruntiera għandhom jiġu rreġistrati f’lista.

Jekk ma jkunx possibbli li titwaħħal viża fid-dokument, din għandha, b’mod ta’ eċċezzjoni, titwaħħal fuq folja separata li tiddaħħal fid-dokument. F’każ bħal dan, għandu jintuża l-format uniformi għall-formoli biex titwaħħal viża, stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 333/2002 tat-18 ta' Frar 2002 dwar format uniformi għall-formoli biex jitwaħħlu l-viżi maħruġa mill-Istati Membri lil persuni li għandhom dokumenti ta' l-ivvjaġġar mhux rikonoxxuti mill-Istati Membri li jħejju l-formola (19).

(ċ)

Ċittadin(i) ta’ pajjiż terz li ma jissodisfawx xi kondizzjoni waħda jew aktar imsemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jiġu awtorizzati minn xi Stat Membru biex jidħlu fit-territorju tiegħu għal raġunijiet umanitarji, għal raġunijiet ta’ interess nazzjonali jew minħabba obbligi internazzjonali. Meta ċ-ċittadin minn pajjiż terz konċernat ikun soġġett għal xi allert kif imsemmi fil-paragrafu 1 punt (d), l-Istat Membru li jkun qed jawtorizza d-dħul tiegħu/tagħha fit-territorju tiegħu għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra b'dan.

KAPITOLU II

Il-kontroll ta’ fruntieri esterni u ċaħda tad-dħul

Artikolu 6

Twettiq ta’ verifiki fuq il-fruntiera

1.   Il-gwardji tal-fruntiera għandhom, fit-twettieq ta’ dmirijiethom, jirrispettaw b’mod sħiħ id-dinjità umana.

Kwalunkwe miżura li tittieħed fit-twettieq ta’ dmirijiethom għandha tkun proporzjonata għall-objettivi li tali miżuri jfittxu li jiksbu.

2.   Fit-twettiq ta’ verifiki fuq il-fruntiera, il-gwardji tal-fruntiera m’għandhomx jiddiskriminaw kontra persuni għal raġunijiet ta' sess, razza jew oriġini etnika, reliġjon jew twemmin, disabilità, età jew orjentazzjoni sesswali.

Artikolu 7

Verifiki fuq il-fruntiera fuq persuni f’punti ta’ qsim tal-fruntiera

1.   Moviment trans-konfini fi fruntieri esterni għandu jkun soġġett għal verifiki mill-gwardji tal-fruntiera. Il-verifiki għandhom jitwettqu skond dan il-kapitolu.

Il-verifiki jistgħu jkopru wkoll il-mezzi tat-trasport u l-oġġetti li jinsabu fil-pussess tal- persuni li jkunu qed jaqsmu l-fruntiera. Il-liġi ta' l-Istat Membru konċernat għandha tapplika għal kwalunkwe tiftix li jsir.

2.   Il-persuni kollha għandhom jgħaddu minn verifika minima sabiex jiġu stabbiliti l-identitajiet tagħhom abbażi tal-produzzjoni jew il-preżentazzjoni tad-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar tagħhom. Tali verifika minima tikkonsisti f’verifika rapida u sempliċi, fejn ikun xieraq bl-użu ta’ mezzi tekniċi u billi tkun ikkonsultata informazzjoni esklussivament dwar dokumenti misruqa, misapproprijati, mitlufa u invalidati fid-databases rilevanti, dwar il-validità tad-dokument li jawtorizza lid-detentur leġittimu li jaqsam il-fruntiera u dwar il-preżenza ta’ sinjali ta’ falsifikazzjoni jew kontrafazzjoni.

Il-verifika minima msemmija hawn fuq għandha tkun ir-regola għall-persuni li għandhom id-dritt Komunitarju għal moviment liberu.

Madankollu, fuq bażi mhux sistematika, meta jwettqu verifiki minimi fuq persuni li għandhom id-dritt Komunitarju għal moviment liberu, il-gwardji tal-fruntiera jistgħu jikkonsultaw id-databases nazzjonali u Ewropej sabiex jiżguraw li persuna ma tirrappreżentax theddida ġenwina, preżenti u suffiċjentement serja għas-sigurtà interna, il-politika pubblika, ir-relazzjonijiet internazzjonali ta’ l-Istati Membri jew theddida għas-saħħa pubblika.

Il-konsegwenzi ta’ tali konsultazzjonijiet m’għandhomx jipperikolaw id-dritt ta’ dħul ta’ persuni li għandhom id-dritt Komunitarju għal moviment liberu fit-territorju ta’ l-Istat Membru konċernat kif hemm fid-Direttiva 2004/38/KE.

3.   Mad-dħul u l-ħruġ, ċittadini ta’ pajjiżi terz għandhom ikunu soġġetti għal verifika bir-reqqa.

a)

verifiki bir-reqqa mad-dħul għandhom jinkludu l-verifika tal-kondizzjonijiet li jirregolaw id-dħul stabbiliti fl-Artikolu 5(1) u, fejn hu applikabbli, ta’ dokumenti li jawtorizzaw ir-residenza u l-eżerċizzju ta’ attività professjonali. Dan għandu jinkludi eżami dettaljat ta’ l-aspetti li ġejjin:

(i)

il-verifika li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz huwa fil-pussess ta’ dokument validu biex jaqsam il-fruntiera u li ma jkunx skada, u li d-dokument ikun akkumpanjat, fejn applikabbli, mill-viża jew permess ta’ residenza meħtieġa;

(ii)

l-iskrutinju bir-reqqa tad-dokument ta’ l-ivvjaġġar għal sinjali ta’ falsifikazzjoni jew kontrafazzjoni;

(iii)

l-eżami tat-timbri tad-dħul u tal-ħruġ fuq id-dokument ta’ l-ivvjaġġar taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz kkonċernat, sabiex ikun verifikat, billi jitqabblu d-dati tad-dħul u tal-ħruġ, li dik il-persuna ma tkunx diġà qabżet it-tul massimu ta’ soġġorn awtorizzat fit-territorju ta’ l-Istati Membri;

(iv)

il-verifika dwar il-punti ta’ tluq u destinazzjoni taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat u l-għan tas-soġġorn li bi ħsiebu jagħmel u, jekk meħtieġ, il-verifika tad-dokumenti ta’ sostenn korrispondenti;

(v)

il-verifika li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat għandu mezzi suffiċjenti ta’ sussistenza għat-tul u l-għan tas-soġġorn li bi ħsiebu jagħmel, għar-ritorn tiegħu lejn il-pajjiż ta' oriġini jew transitu lejn pajjiż terz, li fihom huwa/hija j/tkun ċert/a li se t/jiġi ammess/a jew li jista'/tista' jikseb dawn il-mezzi b’mod leġittimu;

(vi)

il-verifika li ċ-ċitttadin ta’ pajjiż terz konċernat, il-mezz ta’ trasport tiegħu/tagħha u l-oġġetti li jkun qed iġorr ma jkunux ser jipperikolaw il-politika pubblika, is-sigurtà interna, is-saħħa pubblika jew ir-relazzjonijiet internazzjonali ta’ kwalunkwe mill-Istati Membri. Verifika bħal din għandha tinkludi konsultazzjoni diretta tad-data u l-allerti dwar persuni u, fejn ikun hemm bżonn, l-oġġetti li jinsabu fl-SIS u fil-fajls nazzjonali tad-data u l-azzjoni li għandha tittieħed, jekk ikun hemm, bħala riżultat ta’ allert;

(b)

verifiki bir-reqqa mal-ħruġ għandhom jinkludu:

(i)

il-verifika li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun fil-pussess ta’ dokument validu sabiex jaqsam il-fruntiera;

(ii)

il-verifika tad-dokument ta’ l-ivvjaġġar għal sinjali ta’ falsifikazzjoni jew kontrafazzjoni;

(iii)

meta possibbli, il-verifika li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terx mhux meqjus bħala theddida għall-politika pubblika, is-sigurtà interna jew ir-relazzjonijiet internazzjonali ta’ kwalunkwe mill-Istati Membri.

(c)

Barra mill-verifiki msemmija f'punt (b), verifiki bir-reqqa mal-ħruġ jistgħu jinkludu wkoll:

(i)

il-verifika li l-persuna hija fil-pussess ta’ viża valida, jekk meħtieġ skond ir-Regolament (KE) Nru 539/2001, ħlief meta jkollhom permess ta’ residenza validu;

(ii)

il-verifika li l-persuna ma qabżitx it-tul massimu ta’ soġġorn awtorizzat fit-territorju ta’ l-Istati Membri;

(iii)

konsultazzjoni ta’ allerti dwar persuni u oġġetti inklużi fl-SIS u rapporti fil-fajls nazzjonali tad-data.

4.   Meta jkunu jeżistu l-faċilitajiet u jekk mitlub miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, dawn il-verifiki bir-reqqa għandhom jitwettqu f’żona li ma tkunx pubblika.

5.   Ċittadin(i) ta’ pajjiż terz li jkunu soġġetti għal verifika bir-reqqa fit-tieni linja għandhom jingħataw informazzjoni dwar l-għan u l-proċedura ta’ tali verifika.

Din l-informazzjoni għandha tkun disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha ta’ l-Unjoni u fil-lingwa/lingwi tal-pajjiż jew pajjiżi li jkollhom fruntiera ma’ l-Istat Membru konċernat u għandha tindika li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jitlob l-isem jew in-numru ta’ identifikazzjoni tas-servizz tal-gwardji tal-fruntiera li jkunu qed iwettqu l-verifika bir-reqqa fit-tieni linja kif ukoll l-isem tal-punt ta’ qsim tal-fruntiera u d-data ta’ meta nqasmet il-fruntiera.

6.   Verifiki fuq persuna li jkollha d-dritt Komunitarju għal moviment liberu għandhom jitwettqu skond id-Direttiva 2004/38/KE.

7.   Regoli detaljati li jirregolaw l-informazzjoni li għandha tkun irreġistrata huma stabbiliti fl-Anness II.

Artikolu 8

Tnaqqis tal-verifiki fuq il-fruntiera

1.   Verifiki fuq il-fruntiera fil-fruntieri esterni jistgħu jkunu mnaqqsa bħala riżultat ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali u mhux previsti. Tali ċirkostanzi eċċezzjonali u imprevedibbli jitqiesu li jkunu dawk meta avvenimenti imprevedibbli jwasslu għal tali intensità ta’ traffiku li l-ħin ta’ stennija fil-punt ta’ qsim tal-fruntiera jsir eċċessiv, u r-riżorsi kollha jkunu ġew eżawriti fir-rigward tal-persunal, il-faċilitajiet u l-organizzazzjoni.

2.   Fejn il-verifiki fuq il-fruntiera jkunu mnaqqsa skond il-paragrafu 1, il-verifiki fuq il-fruntiera fuq movimenti ta’ dħul għandhom fil-prinċipju jieħdu prijorità fuq il-verifiki fuq il-fruntiera ta’ movimenti ta’ ħruġ.

Id-deċiżjoni li jkunu mnaqqsa l-verifiki għandha tittieħed mill-gwardja tal-fruntiera li jkollu l-kmand tal-punt ta’ qsim tal-fruntiera.

Dan it-tnaqqis ta’ verifiki għandu jkun temporanju, ikun adattat għaċ-ċirkostanzi li jiġġustifikawh u għandu jinbeda gradwalment.

3.   F’każ illi l-verifiki fuq il-fruntiera jiġu mnaqqsa, il-gwardja tal-fruntiera għandu jittimbra d-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz kemm mad-dħul kif ukoll mal-ħruġ, skond l-Artikolu 10.

4.   Kull Stat Membru għandu jibgħat darba fis-sena rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni.

Artikolu 9

Korsiji separati u informazzjoni fuq tabelli

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu korsiji separati, b’mod partikolari f’punti ta’ qsim tal-fruntieri ta’ l-ajru parti sabiex iwettqu verifiki fuq persuni skond l-Artikolu 7. Dawn il-korsiji għandhom ikunu differenzjati permezz ta’ tabelli li jġibu l-indikazzjonijiet stabbiliti fl-Anness III.

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu korsiji separati fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri tal-baħar u ta’ l-art tagħhom u fil-fruntieri bejn Stati Membri li ma japplikawx l-Artikolu 20 fil-fruntieri komuni tagħhom. It-tabelli li jkollhom l-indikazzjonijiet stabbiliti fl-Anness III għandhom jintużaw jekk l-Istati Membri jipprovdu korsiji separati f’dawn il-fruntieri.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali korsiji jkunu murija b’mod ċar permezz ta' tabelli, inkluż meta r-regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ l-użu tal-korsiji differenti ma jkunux applikati kif previst fil-paragrafu 4, sabiex ikunu żgurati l-aħjar livelli ta’ fluss ta’ persuni li jaqsmu l-fruntiera.

2.

(a)

Persuni li għandhom id-dritt Komunitarju għal moviment liberu huma intitolati li jużaw il-korsiji indikati fit-tabella fil-parti A ta’ l-Anness III. Huma jistgħu wkoll jużaw il-korsiji indikati fit-tabella fil-parti B ta’ l-Anness III.

b)

Il-persuni l-oħra kollha għandhom jużaw il-korsiji indikati fit-tabella fil-parti B ta’ l-Anness III.

L-indikazzjonijiet fuq it-tabelli msemmija fil-punti (a) u (b) jistgħu jkunu bil-lingwa jew bil-lingwi li kull Stat Membru jqis xierqa.

3.   F’punti ta’ qsim tal-fruntiera tal-baħar jew ta’ l-art, l-Istati Membri jistgħu jisseparaw it-traffiku tal-vetturi f’korsiji differenti għall-vetturi ħfief u dawk tqal u xarabankijiet bl-użu ta’ tabelli kif muri fl-Anness III, Parti Ċ.

L-Istati Membri jistgħu jvarjaw l-indikazzjonijiet fuq dawn it-tabelli fejn xieraq fid-dawl taċ-ċirkostanzi lokali.

4.   Fil-każ ta’ żbilanċ temporanju fil-flussi tat-traffiku f’xi punt ta’ qsim tal-fruntiera partikolari, ir-regoli għall-użu ta’ korsiji differenti jistgħu ma jkunux applikati mill-awtoritajiet kompetenti għat-tul ta’ żmien meħtieġ biex dan l-iżbilanċ jiġi eliminat.

5.   L-adattament tat-tabelli eżistenti għad-disposizzjonijiet tal-paragrafi 1, 2 u 3 għandu jitlesta sal-31 ta’ Mejju 2009. Fejn Stati Membri jissostitwixxu tabelli eżistenti jew iwaħħlu oħrajn ġodda qabel dik id-data, huma għandhom jimxu ma' l-indikazzjonijiet minimi previsti f’dawk il-paragrafi.

Artikolu 10

Ittimbrar tad-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz

1.   Id-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz għandhom jiġu ttimbrati b’mod sistematiku mad-dħul u l-ħruġ. B’mod partikolari timbru tad-dħul jew ħruġ għandu jsir fuq:

(a)

id-dokumenti li fuqhom ikollhom viża valida, u li jippermettu lil ċittadini ta’ pajjiż terz jaqsmu l-fruntiera;

(b)

id-dokumenti li jippermettu lil ċittadini ta’ pajjiż terz, li tkun inħarġitilhom viża fuq il-fruntiera minn Stat Membru biex jaqsmu l-fruntiera;

(ċ)

id-dokumenti li jippermettu lil ċittadini ta’ pajjiż terz li m’humiex soġġetti għall-ħtieġa ta’ viża biex jaqsmu l-fruntiera.

2.   Id-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li huma membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni li għalihom tapplika d-Direttiva 2004/38/KE, iżda li ma jippreżentawx il-karta ta’ residenza prevista fl-Artikolu 10 ta’ dik id-Direttiva, għandhom jiġu ttimbrati mad-dħul jew mal-ħruġ.

Id-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li huma membri tal-familja ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li għandhom id-dritt Komunitarju għal moviment liberu, iżda li ma jippreżentawx il-karta ta’ residenza prevista fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/38/KE, għandhom jiġu ttimbrati mad-dħul jew mal-ħruġ.

3.   M’għandu jkun hemm l-ebda timbru ta’ dħul jew ta’ ħruġ:

(a)

fuq id-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar ta’ Kapijiet ta’ Stat u dinjitarji li l-wasla tagħhom tkun ġiet imħabbra bil-quddiem uffiċjalment permezz tal-kanali diplomatiċi;

(b)

fuq liċenzji ta’ bdoti jew ċertifikati ta’ membri ta’ l-ekwipaġġ ta’ l-ajru;

(ċ)

fuq dokumenti ta’ l-ivvjaġġar ta’ baħħara li huma preżenti fit-territorju ta’ Stat Membru biss meta l-bastiment tagħhom jidħol f’port u jkunu fiż-żona tal-port fejn daħal il-bastiment;

(d)

fuq id-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar ta’ l-ekwipaġġ u l-passiġġieri ta’ bastimenti tal-kruċiera li mhumiex soġġetti għall-verifiki fuq il-fruntiera skond il-punt 3.2.3 ta’ l-Anness VI;

(e)

fuq dokumenti li jippermettu liċ-ċittadini ta’ Andorra, Monako u San Marino jaqsmu l-fruntiera.

Eċċezzjonalment, fuq talba ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, jista’ ma jsirx timbru ta’ dħul jew ta’ ħruġ, jekk it-timbru jista’ jikkawża diffikultajiet serji għal dik il-persuna. F’dak il-każ, id-dħul jew il-ħruġ għandu jkun irreġistrat fuq folja separata bl-indikazzjoni ta’ l-isem u n-numru tal-passaport. Din il-folja għandha tingħata liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz.

4.   L-arranġamenti prattiċi għall-ittimbrar jinstabu fl-Anness IV.

5.   Kull meta jkun possibbli, iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz għandhom ikunu informati bl-obbligu tal-gwardja tal-fruntiera li jittimbra d-dokument ta’ l-ivvjaġġar tagħhom mad-dħul u mal-ħruġ, anke meta l-verifiki jiġu mnaqqsa skond l-Artikolu 8.

6.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sat-tmiem ta' l-2008 dwar l-operat tad-disposizzjonijiet dwar l-ittimbrar tad-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar.

Artikolu 11

Preżunzjonijiet fir-rigward tat-twettiq tal-kondizzjonijiet tat-tul ta' soġġorn

1.   Jekk id-dokument ta' l-ivvjaġġar ta' ċittadin ta' pajjiż terz ma jkollux timbru tad-dħul, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jassumu li d-detentur ma jissodisfax, jew ma għadux jissodisfa, il-kondizzjonijiet ta' tul ta’ soġġorn applikabbli fl-Istat Membru konċernat.

2.   Il-preżunzjoni fil-paragrafu 1 tista' tiġi ribattuta meta ċittadin ta' pajjiż terz, bi kwalunkwe mezz, jipprovdi evidenza kredibbli bħal biljetti ta' trasport jew prova tal-preżenza tiegħu jew tagħha barra mit-territorju ta’ l-Istati Membri, li turi li hu jew hi rrispetta(t) il-kondizzjonijiet li jirrelataw mat-tul ta’ soġġorn qasir.

F'dawn il-każijiet:

(a)

meta ċ-ċittadin ta' pajjiż terz jinsab fit-territorju ta' l-Istati Membri li japplikaw l-acquis ta' Schengen b'mod sħiħ, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jindikaw, skond il-liġi u l-prattika nazzjonali, fid-dokument ta’ l-ivvjaġġar taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz id-data u l-post fejn il-persuna qasmet il-fruntiera esterna ta' wieħed mill-Istati Membri li japplikaw l-acquis ta' Schengen bis-sħiħ;

(b)

meta ċ-ċittadin ta' pajjiż terz jinsab fit-territorju ta' Stat Membru li fir-rigward tiegħu ma tteħditx id-deċiżjoni kkontemplata fl-Artikolu 3(2) ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-2003, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jindikaw, skond il-liġi u l-prattika nazzjonali, fid-dokument ta’ l-ivvjaġġar taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz id-data u l-post fejn il-persuna qasmet il-fruntiera esterna ta' dak l-Istat Membru.

Minbarra l-indikazzjonijiet imsemmija f’(a) u (b), tista’ tingħata formola kif muri fl-Anness VIII liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz.

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lil xulxin u lill-Kummissjoni u lis-Segretarjat tal-Kunsill bil-prattiki nazzjonali tagħhom rigward l-indikazzjoni msemmija f’dan l-Artikolu.

3.   Jekk il-preżunzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma tkunx ribattuta, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jiġi imkeċċi mill-awtoritajiet kompetenti mit-territorju ta’ l-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 12

Sorveljanza fuq il-fruntiera

1.   L-għan ewlieni tas-sorveljanza tal-fruntieri għandu jkun biex ma jitħalliex li jsir il-qsim mhux awtorizzat tal-fruntiera, sabiex tiġi miġġielda l-kriminalità trans-konfinali u biex jittieħdu miżuri kontra persuni li jkunu qasmu l-fruntiera b’mod illegali.

2.   Il-gwardji tal-fruntiera għandhom jużaw unitajiet stazzjonarji jew mobbli biex iwettqu s-sorveljanza tal-fruntieri.

Din is-sorveljanza għandha sseħħ b’tali mod li ma tħallix u tiskoraġġixxi persuni milli jevitaw il-verifiki f’punti ta’ qsim tal-fruntiera.

3.   Is-sorveljanza bejn punti ta’ qsim tal-fruntiera għandha titwettaq minn gwardji tal-fruntiera li n-numru u l-metodi tagħhom għandhom jiġu adattati għar-riskji u t-theddid eżistenti jew previsti. Hija għandha tinvolvi bdil frekwenti u għall-għarrieda tal-perijodi ta’ sorveljanza, sabiex qsim mhux awtorizzat tal-fruntiera jkun dejjem f’riskju li jinqabad.

4.   Is-sorveljanza għandha ssir permezz ta’ unitajiet stazzjonarji jew mobbli li jwettqu dmirijiethom permezz ta’ rondi jew billi jistazzjonaw irwieħhom f’postijiet magħrufa li huma jew huma meqjusa sensittivi, bl-għan li b’din is-sorveljanza jinqabdu individwi li jkunu qed jaqsmu l-fruntiera illegalment. Is-sorveljanza tista’ titwettaq ukoll b’mezzi tekniċi, inklużi dawk elettroniċi.

5.   Regoli addizzjonali li jerogalaw is-sorveljanza jistgħu jkunu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 33(2).

Artikolu 13

Ċaħda tad-dħul

1.   Ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax il-kondizzjonijiet ta’ dħul kollha stabbiliti fl-Artikolu 5(1) u li mhux wieħed mill-kategoriji ta’ persuni msemmija fl-Artikolu 5(4) għandu jiġi mċaħħad milli jidħol fit-territorji ta’ l-Istati Membri. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ disposizzjonijiet speċjali dwar id-dritt ta’ l-asil u l-protezzjoni internazzjonali jew il-ħruġ ta’ viżi għal soġġorn twil.

2.   Id-dħul jista’ jiġi miċħud biss b’deċiżjoni sostanzjata li tagħti r-raġunijiet preċiżi għaċ-ċaħda. Id-deċiżjoni għandha tittieħed minn awtorità li tingħata s-setgħa mil-liġi nazzjonali. Hi għandha tidħol fis-seħħ immedjatament.

Id-deċiżjoni sostanzjata li ssemmi r-raġunijiet preċiżi għaċ-ċaħda tingħata permezz ta’ formola standard, skond fl-Anness V, Parti B, miktuba mill-awtorità li ngħatat is-setgħa mil-liġi nazzjonali biex tiċħad id-dħul. Il-formola standard mimlija għandha tingħata liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat, li għandu jirrikonoxxi li jkun irċieva d-deċiżjoni li tiċħad id-dħul permezz ta’ dik il-formola.

3.   Persuni li jkun mċaħħda d-dħul għandu jkollhom id-dritt ta’ appell. L-appelli għandhom isiru skond il-liġi nazzjonali. Indikazzjoni bil-miktub dwar il-punti ta’ kuntatt li jistgħu jipprovdu informazzjoni dwar rappreżentanti kompetenti biex jaġixxu f’isem iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz skond il-liġi nazzjonali għandha wkoll tingħata liċ-ċittadin ta’ pajiż terz.

L-applikazzjoni għal appell m’għandiex ikollha l-effett li tissospendi d-deċiżjoni li tiċħad id-dħul.

Mingħajr preġudizzju għal xi kumpens mogħti skond il-liġi nazzjonali, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat għandu jkun intitolat għal korrezzjoni tat-timbru tad-dħul ikkanċellat, u għal kwalunkwe kanċellazzjoni jew addizzjoni li tkun saret, mill-Istat Membru li jkun ċaħad id-dħul jekk l-appell jikkonkludi li d-deċiżjoni biex jiġi miċħud id-dħul ma kinitx fondata.

4.   Il-gwardji tal-fruntieri għandhom jiżguraw li ċittadin ta’ pajjiż terz li ġie miċħud lilu d-dħul ma jidħolx fit-territorju ta’ l-Istat Membru konċernat.

5.   L-Istati Membri għandhom jiġbru l-istatistika dwar in-numru ta’ persuni li jkun ġie miċħud lilhom id-dħul, ir-raġunijiet għaċ-ċaħda, iċ-ċittadinanza tal-persuni miċħuda u t-tip ta’ fruntiera (art, ajru, baħar) li fiha kien miċħud id-dħul. L-Istati Membri għandhom jibagħtu din l-istatistika darba fis-sena lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tippubblika kull sentejn ġabra ta’ l-istatistika pprovduta mill-Istati Membri.

6.   Regoli dettaljati li jirregolaw id-dħul miċħud jingħataw fl-Anness V, Parti A.

KAPITOLU III

Persunal u riżorsi għall-kontrolli fuq il-fruntiera u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri

Artikolu 14

Persunal u riżorsi għall-kontrolli fuq il-fruntiera

L-Istati Membri għandhom iħaddmu persunal u riżorsi xierqa u f’numri suffiċjenti sabiex iwettqu kontrolli fuq il-fruntieri esterni, skond l-Artikoli 6 sa 13, b’tali mod li jkun żgurat livell effiċjenti, għoli u uniformi ta’ kontrolli fil-fruntieri esterni tagħhom.

Artikolu 15

Implimentazzjoni tal-kontrolli

1.   Il-kontrolli tal-fruntiera previsti fl-Artikoli 6 sa 13 għandhom jitwettqu mill-gwardji nazzjonali skond id-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u l-liġi nazzjonali.

Fit-twettiq ta’ dawn il-kontrolli fuq il-fruntiera, is-setgħat biex jinbdew proċedimenti kriminali mogħtija lill-gwardji tal-fruntiera mil-liġi nazzjonali u li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament m’għandhomx jiġu affettwati.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-gwardji tal-fruntiera jkunu professjonisti speċjalizzati u mħarrġa tajjeb. L-Istati Membri għandhom iħeġġu lill-gwardji tal-fruntiera biex jitgħallmu l-lingwi, b’mod partikolari dawk meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħhom.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-lista ta’ servizzi nazzjonali responsabbli għall-kontrolli fuq il-fruntiera taħt il-liġi nazzjonali tagħhom skond l-Artikolu 34.

3.   Biex jikkontrollaw il-fruntieri b’mod effettiv, kull Stat Membru għandu jiżgura li jkun hemm kooperazzjoni mill-qrib u kontinwa bejn is-servizzi nazzjonali tiegħu responsabbli għall-kontrolli fuq il-fruntiera.

Artikolu 16

Kooperazzjoni bejn l-Istati Membri

1.   L-Istati Membri għandhom jassistu lil xulxin u għandhom iżommu kooperazzjoni kontinwa u mill-qrib bil-ħsieb li jkun hemm implimentazzjoni effettiva tal-kontrolli fuq il-fruntiera, skond l-Artikoli 6 sa 15. Huma għandhom jiskambjaw l-informazzjoni rilevanti kollha.

2.   Il-kooperazzjoni operattiva bejn l-Istati Membri fil-qasam ta’ l-amministrazzjoni tal-fruntieri esterni għandha tiġi koordinata mill-Aġenzija Ewropea għall-Amministrazzjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni ta’ l-Istati Membri (minn hawn 'il quddiem “l-Aġenzija”) stabbilita mir-Regolament (KE) Nru 2007/2004.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi ta' l-Aġenzija, l-Istati Membri jistgħu jibqgħu jikkooperaw f'livell operattiv ma' Stati Membri oħra u/jew pajjiżi terzi fil-fruntieri esterni, inkluż l-iskambju ta’ uffiċjali ta’ kollegament, fejn tali kooperazzjoni tikkomplimenta l-azzjoni ta' l-Aġenzija.

L-Istati Membri għandhom jastjenu minn kwalunkwe attività li tista' tipperikola l-funzjonament ta' l-Aġenzija jew il-kisba ta' l-objettivi tagħha.

L-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Aġenzija dwar din il-kooperazzjoni operattiva msemmija fl-ewwel subparagrafu.

4.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu taħriġ dwar ir-regoli tal-kontrolli fuq il-fruntiera kif ukoll dwar id-drittijiet fundamentali. F’dan ir-rigward, għandu jittieħed kont ta’ l-istandards komuni tat-taħriġ kif stabbiliti u żviluppati aktar mill-Aġenzija.

Artikolu 17

Kontrolli konġunti

1.   L-Istati Membri li ma japplikawx l-Artikolu 20 għall-fruntieri ta’ l-art komuni tagħhom jistgħu, sad-data ta’ l-applikazzjoni ta’ dak l-Artikolu, b’mod konġunt jikkontrollaw dawk il-fruntieri komuni, f’liema każ persuna tista’ tiġi mwaqqfa darba biss sabiex isirulha l-verifiki tad-dħul u tal-ħruġ, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà individwali ta’ l-Istati Membri li tirriżulta mill-Artikoli 6 sa 13.

Għal dan il-għan, l-Istati Membri jistgħu jikkonkludu bejniethom arranġamenti bilaterali.

2.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-arranġamenti konklużi skond il-paragrafu 1.

KAPITOLU IV

Regoli speċifiċi għall-verifiki fuq il-fruntiera

Artikolu 18

Regoli speċifiċi għal tipi differenti ta’ fruntiera u l-mezzi differenti ta’ trasport użati biex jinqasmu l-fruntieri esterni

Ir-regoli speċifiċi stabbiliti fl-Anness VI għandhom japplikaw għall-verifiki mwettqa fit-tipi differenti ta’ fruntiera u l-mezzi differenti ta’ trasport użati biex jinqasmu l-punti ta' qsim tal-fruntieri.

Dawk ir-regoli speċifiċi jista’ jkollhom derogi mill-Artikoli 5 u 7 sa 13.

Artikolu 19

Regoli speċifiċi għall-verifiki fuq ċerti kategoriji ta’ persuni

1.   Ir-regoli speċifiċi stabbiliti fl-Anness VII għandhom japplikaw għall-verifiki fuq il-kategoriji ta’ persuni li ġejjin:

(a)

Kapijiet ta’ Stat u membri tad-delegazzjoni tagħhom;

(b)

bdoti ta’ l-ajru u membri oħra ta’ l-ekwipaġġ;

(ċ)

baħħara;

(d)

żammiema ta’ passaporti diplomatiċi, uffiċjali jew tas-servizz u membri ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali;

(e)

ħaddiema trans-konfini;

(f)

minorenni.

Dawk ir-regoli speċifiċi jista’ jkollhom derogi mill-Artikoli 5 u 7 sa 13.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-karti mudell maħruġa mill-Ministeri tagħhom lill-membri akkreditati tal-missjonijiet diplomatiċi u r-rappreżentazzjonijiet konsulari u lill-membri tal-familji tagħhom skond l-Artikolu 34.

TITOLU III

FRUNTIERI INTERNI

KAPITOLU I

Tneħħija ta’ kontrolli fuq il-fruntieri fil-fruntieri interni

Artikolu 20

Qsim tal-fruntieri interni

Fruntieri interni jistgħu jinqasmu minn kull punt mingħajr ma jsiru verifiki fuq il-fruntiera fuq persuni, tkun xi tkun iċ-ċittadinanza tagħhom.

Artikolu 21

Verifiki fit-territorju

It-tneħħija tal-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni m’għandhiex taffettwa:

(a)

l-eżerċizzju ta’ setgħat ta’ pulizija mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri taħt il-liġi nazzjonali, safejn l-eżerċizzju ta’ dawn is-setgħat ma jkollux effett ekwivalenti għal verifiki fuq il-fruntiera; dan japplika wkoll f’żoni tal-fruntiera. Fis-sens ta’ l-ewwel sentenza l-eżerċizzju ta’ setgħat ta’ pulizija ma jistax, b’mod partikolari, ikun ikkunsidrat ekwivalenti għall-eżerċizzju ta’ kontrolli fuq il-fruntiera meta l-miżuri ta’ pulizija:

(i)

ma jkollhomx bħala objettiv il-kontrolli fuq il-fruntiera,

(ii)

ikunu bbażati fuq informazzjoni u esperjenza ġenerali ta’ pulizija dwar theddid possibbli għas-sigurtà pubblika u jkunu mmirati, b’mod partikolari, biex jiġġieldu l-kriminalità trans-konfini,

(iii)

huma maħsuba u mwettqa b’mod li huwa differenti b’mod ċar minn verifiki sistematiċi fuq persuni fil-fruntieri esterni,

(iv)

huma mwettqa abbażi ta’ verifiki saltwarji;

(b)

il-verifiki ta’ sigurtà fuq persuni mwettqa f’portijiet u ajruporti mill-awtoritajiet kompetenti taħt il-liġi ta’ kull Stat Membru, minn uffiċjali tal-port jew ajruport jew trasportaturi, basta li tali verifiki jitwettqu wkoll fuq persuni li jivvjaġġaw fi Stat Membru;

(ċ)

il-possibbiltà għal Stat Membru li jipprovdi, permezz ta’ liġi, għal obbligu li wieħed ikun fil-pussess jew iġorr miegħu karti u dokumenti;

(d)

l-obbligu ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrapportaw il-preżenza tagħhom fit-territorju ta’ kwalunkwe Stat Membru skond id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni ta’ Schengen.

Artikolu 22

Tneħħija ta’ ostakoli għat-traffiku f’punti ta’ qsim stradali fi fruntieri interni

L-Istati Membri għandhom ineħħu kull ostakolu għaċ-ċirkolazzjoni fluwida tat-traffiku fi fruntieri interni, b’mod partikolari kwalunkwe limitu ta’ veloċità li ma jkunx ibbażat b’mod esklussiv fuq konsiderazzjonjiet ta’ sigurtà stradali.

Fl-istess waqt, l-Istati Membri għandhom ikunu ppreparati biex jipprovdu għal faċilitajiet għal verifiki f’każ li jerġgħu jiddaħħlu kontrolli fuq il-fruntieri interni.

KAPITOLU II

Dħul mill-ġdid temporanju ta’ kontrolli fuq il-fruntiera fil-fruntieri interni

Artikolu 23

Introduzzjoni temporanja mill-ġdid ta’ kontrolli fuq il-fruntiera fil-fruntieri interni

1.   Meta jkun hemm theddida serja għall-politika pubblika jew għas-sigurtà interna, Stat Membru jista’ b’mod eċċezzjonali jerġa’ jdaħħal il-kontrolli fuq il-fruntiera fil-fruntieri interni tiegħu għal perijodu limitat ta’ mhux aktar minn 30 jum jew għat-tul prevedibbli tat-theddida serja jekk it-tul tagħha jaqbeż il-perijodu ta’ 30 jum, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 24 jew, f’każijiet urġenti, skond dik stabbilita fl-Artikolu 25. Il-kamp ta’ applikazzjoni u t-tul ta’ żmien ta' l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontroll fuq il-fruntiera fuq il-fruntieri interni m’għandux jaqbeż dak li hu strettament neċessarju b’risposta għat-theddida serja.

2.   Jekk it-theddida serja għall-politika pubblika jew għas-sigurtà interna tippersisti ’l hinn mill-perijodu ta’ żmien previst fil-paragrafu 1, l-Istat Membru jista’ jtawwal il-kontrolli fuq il-fruntiera għall-istess raġunijiet bħal dawk imsemmija fil-paragrafu 1 u, waqt li jieħu kont ta’ kwalunkwe element ġdid, għal perijodi li jiġġeddu sa mhux aktar minn 30 jum, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 26.

Artikolu 24

Proċedura f’każ ta’ avvenimenti prevedibbli

1.   Jekk Stat Membru jkun qed jippjana li jerġa’ jdaħħal il-kontrolli fuq il-fruntiera taħt l-Artikolu 23(1), huwa għandu mill-aktar fis jinnotifika lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni għaldaqstant, u għandu jagħti l-informazzjoni li ġejja hekk kif din tkun disponibbli:

(a)

ir-raġunijiet għall-introduzzjoni mill-ġdid proposta, b’dettalji dwar l-avvenimenti li jikkostitwixxu theddida serja għall-politika pubblika jew għas-sigurtà interna;

(b)

il-kamp ta’ applikazzjoni għall-introduzzjoni mill-ġdid proposta, filwaqt li jispeċifika fejn il-kontrolli fuq il-fruntiera ser jerġgħu jiddaħħlu;

(ċ)

l-ismijiet tal-punti ta’ qsim awtorizzati;

(d)

id-data u t-tul ta’ żmien għall-introduzzjoni mill-ġdid proposta;

(e)

fejn ikun il-każ, il-miżuri li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri l-oħra.

2.   Wara n-notifika mill-Istat Membru konċernat, u minħabba l-konsultazzjoni prevista fil-paragrafu 3, il-Kummissjoni tista’ toħroġ opinjoni mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 64(1) tat-Trattat.

3.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, kif ukoll l-opinjoni li l-Kummissjoni tista’ tagħti skond il-paragrafu 2, għandhom ikunu s-suġġett ta’ konsultazzjonijiet bejn l-Istat Membru li jkun qed jippjana li jerġa’ jintroduċi l-kontrolli fuq il-fruntiera, l-Istati Membri l-oħra fi ħdan il-Kunsill u l-Kummissjoni, bil-ħsieb li tkun organizzata, fejn xieraq, kooperazzjoni reċiproka bejn l-Istati Membri u biex tkun eżaminata l-proporzjonalità tal-miżuri ma’ l-avveniment li jkun wassal għal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fuq il-fruntiera u t-theddid għall-politika pubblika jew is-sigurtà interna.

4.   Il-konsultazzjoni msemmija f'paragrafu 3 għandha sseħħ mill-inqas ħmistax-il jum qabel id-data li fiha jkun ippjanat li jerġgħu jiġu introdotti l-kontrolli fuq il-fruntiera.

Artikolu 25

Proċedura għal każijiet li jeħtieġu azzjoni urġenti

1.   Jekk konsiderazzjonijiet ta’ politika pubblika jew sigurtà interna ta’ Stat Membru jeħtieġu azzjoni urġenti, l-Istat Membru konċernat jista’ b’mod eċċezzjonali u immedjatament jintroduċi mill-ġdid il-kontrolli fuq il-fruntiera fil-fruntieri interni.

2.   L-Istat Membru li jerġa’ jintroduċi l-kontrolli fuq il-fruntiera fil-fruntieri interni tiegħu għandu jinnotifika lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar dan, mingħajr dewmien, u għandu jagħti l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 24(1) u r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-użu ta’ din il-proċedura.

Artikolu 26

Proċedura sabiex jiġu estiżi l-kontrolli fuq il-fruntiera fil-fruntieri interni

1.   L-Istati Membri jistgħu biss jestendu l-kontrolli fuq il-fruntiera fil-fruntieri interni skond id-disposizzjonjiet ta’ l-Artikolu 23(2) wara li jkunu nnotifikaw lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni.

2.   L-Istat Membru li jkun qed jippjana li jestendi l-kontrolli fuq il-fruntiera għandu jagħti lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni l-informazzjoni rilevanti kollha dwar ir-raġunijiet għall-estensjoni tal-kontrolli fuq il-fruntiera fil-fruntieri interni. Id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 24(2) għandhom japplikaw.

Artikolu 27

Informazzjoni lill-Parlament Ewropew

L-Istat Membru konċernat jew, fejn xieraq, il-Kunsill għandhom jinfurmaw lill-Parlament Ewropew malajr kemm jista’ jkun bil-miżuri meħuda taħt l-Artikoli 24, 25 u 26. Sa mit-tielet estensjoni konsekuttiva skond l-Artikolu 26, l-Istat Membru konċernat għandu, jekk ikun mitlub, jirrapporta lill-Parlament Ewropew dwar il-bżonn ta’ kontrolli fuq il-fruntiera fil-fruntieri interni.

Artikolu 28

Disposizzjonijiet li għandhom japplikaw meta l-kontrolli fuq il-fruntiera jiġu introdotti mill-ġdid fil-fruntieri interni

Fejn jerġgħu jiġu introdotti kontrolli fuq il-fruntiera fil-fruntieri interni, id-disposizzjonijiet rilevanti fit-Titolu II għandhom japplikaw mutatis mutandis.

Artikolu 29

Rapport dwar l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontrolli fuq il-fruntiera fil-fruntieri interni

L-Istat Membru li jkun introduċa mill-ġdid il-kontrolli fuq il-fruntiera fil-fruntieri interni skond l-Artikolu 23 għandu jikkonferma d-data ta’ meta dawn il-kontrolli jitneħħew u, fl-istess waqt jew ftit wara, għandu jippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fuq il-fruntiera fil-fruntieri interni, filwaqt li jiddeskrivi, b’mod partikolari, l-operat tal-verifiki u l-effikaċja ta' introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fuq il-fruntiera.

Artikolu 30

Informazzjoni lill-pubbliku

Id-deċiżjoni li jerġgħu jiġu introdotti l-kontrolli fuq il-fruntiera fil-fruntieri interni għandha tittieħed b’mod trasparenti u l-pubbliku għandu jkun mgħarraf bis-sħiħ biha, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet ta’ siġurtà sovrastanti sabiex dan ma jsirx.

Artikolu 31

Kunfidenzjalità

Fuq it-talba ta’ l-Istat Membru konċernat, l-Istati Membri l-oħra, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni għandhom jirrispettaw il-kunfidenzjalità ta’ l-informazzjoni li tkun ingħatat b’konnessjoni ma' l-introduzzjoni mill-ġdid u l-estensjoni tal-kontrolli fuq il-fruntiera u r-rapport li jkun tfassal skond l-Artikolu 29.

TITOLU IV

DISPOSIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 32

Emendi għall-Annessi

L-Annessi III, IV u VIII għandhom jiġu emendati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 33(2).

Artikolu 33

Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat, minn hawn 'il quddiem “il-Kumitat”.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jitqiesu d-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha u sakemm il-miżuri implimentattivi adottati skond din il-proċedura ma jbiddlux id-disposizzjonijiet essenzjali ta’ dan ir-Regolament.

Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.

3.   Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-miżuri implimentattivi diġà adottati, l-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament dwar l-adozzjoni ta’ regoli tekniċi u deċiżjonijiet skond il-proċedura msemmija fil-paragrafu 2 għandha tiġi sospiża erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Fuq proposta tal-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu jġeddu d-disposizzjonijiet konċernati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat u, għal dak il-għan, għandhom jirreveduhom qabel ma jiskadi l-perijodu ta’ erba’ snin.

Artikolu 34

Notifiki

1.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kumissjoni dwar:

(a)

il-lista ta’ permessi ta’ residenza,

(b)

il-lista tal-punt ta’ qsim tal-fruntiera tagħhom,

(ċ)

l-ammonti ta’ referenza meħtieġa għall-qsim tal-fruntieri esterni tagħhom stabbiliti kull sena mill-awtoritajiet nazzjonali,

(d)

il-lista tas-servizzi nazzjonali responsabbli mill-kontroll fuq il-fruntieri,

(e)

kampjun tal-karti mudell maħruġa mill-Ministeri ta’ l-Affarijiet Barranin.

2.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-informazzjoni nnotifikata f’konformità mal-paragrafu 1 disponibbli għall-Istati Membri u l-pubbliku permezz tal-pubblikazzjoni fis-serje C tal-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea u b’mezzi xierqa oħra.

Artikolu 35

Traffiku lokali fuq il-fruntiera

Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-Regoli Komunitarji dwar it-traffiku lokali fuq il-fruntiera u għal xi ftehim bilaterali eżistenti dwar it-traffiku lokali fuq il-fruntiera.

Artikolu 36

Ceuta u Melilla

Id-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament m’għandhomx jaffettwaw ir-regoli speċjali li japplikaw għall-bliet ta’ Ceuta u Melilla, kif definit fid-Dikjarazzoni tar-Renju ta’ Spanja dwar il-bliet ta’ Ceuta u Melilla fl-Att Finali għall-Ftehim dwar l-Adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja mal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen ta’ l-14 ta’ Ġunju 1985 (20).

Artikolu 37

Notifika ta’ informazzjoni mill-Istati Membri

Sas-26 ta’ Ottubru 2006, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bid-disposizzjonijiet nazzjonali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-Artikolu 21(ċ) u (d), il-penali kif imsemmija fl-Artikolu 4(3) u l-arranġamenti bilaterali konklużi skond l-Artikolu 17(1). Tibdiliet sussegwenti għal dawn id-disposizzjonijiet għandhom jiġu nnotifikati fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol.

L-informazzjoni nnotifikata mill-Istati Membri għandha tiġi pubblikata fis-serje C tal-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 38

Rapport dwar l-applikazzjoni tat-Titolu III

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, sat-13 ta’ Ottubru 2009, rapport dwar l-applikazzjoni tat-Titolu III.

Il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari għal kwalunkwe diffikultà li tirriżulta mill-introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontrolli fuq il-fruntiera fil-fruntieri interni. Fejn hu xieraq, hija għandha tippreżenta proposti mmirati sabiex dawn id-diffikultajiet jiġu solvuti.

Artikolu 39

Revoki

1.   L-Artikoli 2 sa 8 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen ta’ l-14 ta’ Ġunju 1985 għandhom jiġu revokati b’effett mit-13 ta’ Ottubru 2006.

2.   Dawn li ġejjin għandhom jiġu revokati b’effett mid-data msemmija f'paragrafu 1:

(a)

il-Manwal Komuni, inklużi l-annessi tiegħu;

(b)

id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Eżekuttiv ta’ Schengen tas-26 ta’ April 1994 (SCH/Com-ex (94), 1 rev 2), tat-22 ta’ Diċembru 1994 (SCH/Com-ex (94)17, rev. 4) u ta’ l-20 ta’ Diċembru 1995 (SCH/Com-ex (95) 20, rev. 2);

(ċ)

l-Anness 7 għall-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni;

(d)

ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 790/2001 ta' l-24 ta' April 2001 dwar is-setgħat ta' implimentazzjoni tal-Kunsill fir-rigward ta' ċerti disposizzjonijiet dettaljati u proċeduri prattiċi għat-twettiq ta' kontrolli tal-fruntiera u tas-sorveljanza (21);

(e)

id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/581/KE tad-29 ta’ April 2004 li tiddetermina l-indikazzjonijiet minimi li għandhom jintużaw fuq tabelli f’punti ta’ qsim fuq il-frunteri esterni (22);

(f)

id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/574/KE tad-29 ta’ April 2004 li temenda l-Manwal Komuni (23);

(g)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2133/2004 tat-13 ta’ Diċembru 2004 dwar il-ħtieġa li l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri jittimbraw sistematikament id-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz meta jaqsmu l-fruntieri esterni ta’ l-Istati Membri u li jemenda d-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni li timplimenta l-ftehim ta’ Schengen u l-Manwal Komuni għal dan il-għan (24).

3.   Referenzi għall-Artikoli li tħassru u l-istrumenti li ġew revokati għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 40

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-13 ta’ Ottubru 2006. Madankollu, l-Artikolu 34 għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita' Ewropea.

Magħmul fi Strasburgu, il-15 ta’ Marzu 2006.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

H. WINKLER


(1)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2005 (għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Frar 2006.

(2)  ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19. Konvenzjoni kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1160/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 191, 22.7.2005, p. 18).

(3)  ĠU C 313, 16.12.2002, p. 97. Manwal Komuni kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2133/2004 (ĠU L 369, 16.12.2004, p. 5).

(4)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 tas26 ta' Ottubru 2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-immaniġġjar tal-Koperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea (ĠU L 349, 25.11.2004, p. 1).

(5)  ĠU L 374, 31.12.1991, p. 4. Regolament kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(6)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(7)  ĠU L 239, 22.9.2000, p. 69.

(8)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(9)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.

(10)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 53.

(11)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/849/KE tal-25 ta' Ottubru 2004 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u dwar l-applikazzjoni provviżorja ta' ċertu disposizzjonijiet tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunita' Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera ma' l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis ta' Schengen (ĠU L 368, 15.12.2004, p. 26).

(12)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/860/KE tal-25 ta' Ottubru 2004 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u dwar l-applikazzjoni provviżorja ta' ċertu disposizzjonijiet tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunita' Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera ma' l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis ta' Schengen (ĠU L 370, 17.12.2004, p. 78).

(13)  ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.

(14)  ĠU L 64, 7.3.2002. p. 20.

(15)  ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77.

(16)  ĠU L 157, 15.6.2002 p. 1.

(17)  ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 851/2005 (ĠU L 141, 4.6.2005, p. 3).

(18)  ĠU L 64, 7.3.2003, p. 1.

(19)  ĠU L 53, 23.2.2002, p. 4.

(20)  ĠU L 239, 22.9.2000, p. 73.

(21)  ĠU L 116, 26.4.2001, p. 5. Regolament kif emendat bid-Deċiżjoni 2004/927/KE (ĠU L 396, 31.12.2004, p. 45).

(22)  ĠU L 261, 6.8.2004, p. 119.

(23)  ĠU L 261, 6.8.2004, p. 36.

(24)  ĠU L 369, 16.12.2004, p. 5.


ANNESS I

Dokumenti ta' sostenn biex jiġi verifikat it-twettiq tal-kondizzjonijiet tad-dħul

L-evidenza dokumentarja msemmija fl-Artikolu 5(2) tista' tinkludi dan li ġej:

a)

għal vjaġġi ta' negozju:

(i)

stedina minn ditta jew awtorità sabiex wieħed jattendi laqgħat, konferenzi jew attivitajiet marbuta ma' kummerċ, industrija jew xogħol;

(ii)

dokumenti oħra li juru l-eżistenza ta' relazzjonijiet kummerċjali jew relazzjonijiet għal finijiet ta' xogħol;

(iii)

biljetti tad-dħul għal fieri u kungressi jekk wieħed ikun ser jattendi għal xi waħda minnhom.

(b)

għal vjaġġi li jsiru għall-finijiet ta' studju jew tipi oħra ta' taħriġ:

(i)

ċertifikat ta' reġistrazzjoni f'istitut ta' tagħlim sabiex wieħed jattendi korsijiet vokazzjonali jew teoretiċi fil-qafas ta' taħriġ bażiku jew aktar avvanzat;

(ii)

karti ta' l-istudent jew ċertifikati għall-korsijiet li wieħed ikun segwa;

(ċ)

għal vjaġġi li jsiru għall-finijiet ta' turiżmu jew għal raġunijiet privati;

(i)

dokumenti ta' sostenn dwar l-alloġġ;

stedina mill-persuna ospitanti jekk dan huwa applikabbli:

dokument ta' sostenn mill-istabbiliment li qed jipprovdi alloġġ jew kwalunkwe dokument ieħor adattat li jindika l-akkomodazzjoni prevista;

(ii)

dokumenti ta' sostenn dwar l-itinerarju:

konferma tal-prenotazzjoni ta' vjaġġ organizzat jew kwalunkwe dokument adattat ieħor li jindika l-pjanijiet ta' vjaġġ previsti;

(iii)

dokumenti ta' sostenn dwar ir-ritorn:

biljett tar-ritorn jew wieħed li jinkludi tluq u ritorn.

d)

għal vjaġġi li jsiru għal avvenimenti politiċi, xjentifiċi, kulturali, sportivi jew reliġjużi jew għal raġunijiet oħra:

stediniet, biljetti tad-dħul, reġistrazzjonijiet jew programmi li jsemmu kull fejn hu possibbli l-isem ta' l-organizzazzjoni ospitanti u t-tul tas-soġġorn jew kwalunkwe dokument adatt ieħor li jindika l-għan taż-żjara.


ANNESS II

Reġistrazzjoni ta' l-informazzjoni

F'kull punt ta' qsim tal-fruntiera, l-informazzjoni kollha ta' servizz u kull informazzjoni oħra ta' importanza partikolari iridu jiġu reġistrati b'mod manwali jew elettroniku. L-informazzjoni li trid tiġi reġistrata għandha tinkludi b'mod partikolari:

(a)

l-ismijiet tal-gwardji tal-fruntiera responsabbli lokalment għall-kontrolli fil-fruntiera u ta' l-uffiċjali l-oħra f'kull tim;

(b)

it-tnaqqis fil-kontrolli fuq persuni applikat skond l-Artikolu 8;

(ċ)

il-ħruġ, fil-fruntiera, ta' dokumenti minflok passaporti u viżi;

(d)

persuni li jinqabdu u lmenti (reati kriminali u kontravenzjonijiet amministrattivi);

(e)

persuni miċħuda milli jidħlu skond l-Artikolu 13 (raġunijiet għaċ-ċaħda u ċittadinanzi);

(f)

il-kodiċi ta' sigurtà ta' timbri tad-dħul u tal-ħruġ, l-identità tal-gwardji tal-fruntiera li jingħataw timbri f'xi data jew xift partikolari, kif ukoll l-informazzjoni dwar timbri mitlufa jew misruqa;

(g)

ilmenti minn persuni soġġetti għal kontrolli;

(h)

miżuri oħra ta' importanza partikolari min-naħa tal-pulizija jew ġudizzjarji;

(i)

ġrajjiet partikolari.


ANNESS III

Mudelli ta' tabelli li jidentifikaw il-korsiji fil-punti ta' qsim tal-fruntiera

PARTI A

Image

 (1)

PARTI B

Image

PARTI Ċ

Image

 (1)

Image

 (1)

Image

 (1)

Image

Image

Image


(1)  Ma jinħtieġ ebda logo għan-Norveġja u l-Islanda.


ANNESS IV

Ittimbrar

1.

Id-dokumenti ta' vjaġġar taċ-ċittadini ta' pajjiż terz għandhom jiġu ttimbrati sistematikament mad-dħul u l-ħruġ, skond l-Artikolu 10. L-ispeċifikazzjonijiet ta' dawn it-timbri huma stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kumitat Esekuttiv ta' Schengen SCH/COM-EX (94) 16 rev u SCH/Gem-Handb (93) 15 (KUNFIDENZJALI).

2.

Il-kodiċi ta' sigurtà fuq it-timbri għandhom jiġu mibdula f'intervalli regolari ta' mhux iktar minn xahar.

3.

Fil-każ tad-dħul u l-ħruġ taċ-ċittadini ta' pajjiż terz suġġetti għall-obbligu ta' viża, it-timbru jiġi, jekk jista' jkun, jitwaħħal b'mod li jkopri t-tarf tal-viża mingħajr ma jaffettwa l-possibbiltà li jinqraw l-indikazzjonijiet fuq il-viża jew il-fatturi ta' sigurtà tat-tikketta tal-viża. Jekk ikollhom jitwaħħlu diversi timbri (per eżempju fil-każ ta' viża għal aktar minn dħul wieħed), dan għandu jsir fuq il-paġna li tkun faċċata ta' dik fejn tkun twaħħlet il-viża.

Jekk dik il-paġna ma tistax tintuża, it-timbru għandu jiddaħħal fuq il-paġna li jmiss. Iż-żona li tinqara mill-magna m'għandiex tiġi ttimbrata.

4.

L-Istati Membri għandhom jaħtru punti ta' kuntatt nazzjonali responsabbli għall-iskambju ta' informazzjoni dwar il-kodiċi ta' sigurtà tat-timbri għad-dħul u l-ħruġ użati fil-punti ta' qsim tal-fruntiera u għandhom jinfurmaw lill-Istati Membri l-oħra, lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar dawn. Dawn il-punti ta' kuntatt għandu jkollhom mingħajr dewmien aċċess għal informazzjoni dwar timbri komuni tad-dħul u l-ħruġ użati fil-fruntiera esterna ta' l-Istat Membru konċernat, u b'mod partikolari għal informazzjoni dwar dan li ġej:

(a)

il-punt ta' qsim tal-fruntiera li għalih jiġi assenjat timbru partikolari;

(b)

l-identità tal-gwardja tal-fruntiera li lilu jiġi assenjat timbru partikulari fi kwalunkwe ħin partikolari;

(ċ)

il-kodiċi ta' sigurtà ta' timbru partikolari fi kwalunkwe ħin partikolari.

Kwalunkwe mistoqsija dwar timbri komuni tad-dħul u tal-ħruġ għandha ssir permezz tal-punti ta' kuntatt nazzjonali msemmija hawn fuq.

Il-punti ta' kuntatt nazzjonali għandhom jgħaddu minnufih lill-punti ta' kuntatt l-oħra, lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, u lill-Kummissjoni informazzjoni dwar tibdil fil-punti ta' kuntatt kif ukoll dwar timbri mitlufa u misruqa.


ANNESS V

PARTI A

Proċeduri għaċ-ċaħda ta' dħul fil-fruntiera

1.

Meta jiċħad dħul, il-gwardja tal-fruntiera kompetenti għandu:

(a)

jimla l-formola standard għal dħul miċħud, kif murija fil-Parti B. Iċ-ċittadin tal-pajjiż terz konċernat għandu jiffirma l-formola u għandu jingħata kopja tal-formola ffirmata. Jekk iċ-ċittadin tal-pajjiż terz jirrifjuta li jiffirma, il-gwardja tal-fruntiera għandu jindika dan ir-rifjut fil-formola taħt it-taqsima “kummenti”;

(b)

iwaħħal timbru ta' dħul fuq il-passaport, ingassat b'salib magħmul b'inka sewda li ma titħassarx, u jikteb faċċata tiegħu fuq in-naħa tal-lemin, ukoll b'inka li ma titħassarx, l-ittra/i li jikkorrispondu għar-raġuni(jiet) għaċ-ċaħda tad-dħul, li l-lista tagħhom hija mogħtija fuq il-formola standard għal dħul miċħud imsemmija hawn fuq;

(ċ)

jikkanċella l-viża billi japplika timbru bil-kitba “KANĊELLATA” fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 2. F'tali każ il-parti b'varjazzjoni ottika tat-tikketta tal-viża, il-fattur ta' sigurtà ta' “effett ta' xbieha moħbija” kif ukoll il-kelma “viża” għandhom jitħassru billi jiġu ingassati sabiex ma jkunx jista' jsir użu abbużiv aktar tard. Il-gwardja tal-fruntiera għandu jinforma lill-awtoritajiet ċentrali tiegħu dwar din id-deċiżjoni minnufih;

(d)

iniżżel kull ċaħda ta' dħul f'reġistru jew f'lista u tingħata l-identità u ċ-ċittadinanza taċ-ċittadin ta' pajjiż terz konċernat, ir-referenzi tad-dokument li jawtorizza liċ-ċittadin ta' pajjiż terz biex jaqsam il-fruntiera u r-raġuni għaliex, u d-data ta' meta ġie miċħud id-dħul;

2.

Il-viża għandha tiġi mħassra fil-każijiet li ġejjin:

(a)

jekk id-detentur tal-viża huwa s-suġġett ta' allert fl-SIS għall-finijiet ta' ċaħda ta' dħul ħlief meta jkun fil-pussess ta' viża jew viża ta' dħul mill-ġdid maħruġa minn wieħed mill-Istati Membri u jrid dħul għal finijiet ta' transitu sabiex jilħaq it-territorju ta' l-Istat Membru li jkun ħareġ id-dokument;

(b)

jekk hemm raġunijiet serji biex wieħed jemmen li l-viża nkisbet b'mod qarrieq.

Madanakollu, jekk iċ-ċittadin ta' pajjiż terz jonqos milli jipproduċi, fil-fruntiera, wieħed jew aktar mid-dokumenti ta' sostenn imsemmija fl-Artikolu 5(2), dan m'għandux awtomatikament iwassal għal deċiżjoni li tiġi kanċellata l-viża.

3.

Jekk ċittadin ta' pajjiż terz, imċaħħad milli jidħol, ikun twassal fil-fruntiera minn trasportatur, l-awtorità lokalment responsabbli għandha:

(a)

tordna lit-trasportatur jinkariga ruħu miċ-ċittadin ta' pajjiż terz u jittrasportah(a) mingħajr dewmien lejn il-pajjiż terz minn fejn ikun inġieb, lejn il-pajjiż terz li jkun ħareġ id-dokument li jawtorizzah jaqsam il-fruntiera, jew lejn kwalunkwe pajjiż terz ieħor fejn huwa ggarantit il-permess tad-dħul, jew li jsib mezz ta' tkomplija tat-trasportazzjoni skond l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta' Schengen u d-Direttiva tal-Kunsill 2001/51/KE tat-28 ta' Ġunju 2001 li tissuplimenta d-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 (1);

(b)

sakemm titkompla t-trasportazzjoni, tieħu miżuri xierqa, skond il-liġi nazzjonali u wara li tqis iċ-ċirkustanzi lokali, biex ma tħallix li jidħlu illegalment iċ-ċittadini ta' pajjiż terz imċaħħda milli jidħlu.

4.

Jekk ikun hemm raġunijiet kemm sabiex ċittadin ta' pajjiż terz jiġi mċaħħad milli jidħol kif ukoll sabiex jiġi arrestat, il-gwardja tal-fruntiera għandu jikkuntattja lill-awtoritajiet responsabbli biex jiddeċiedu dwar l-azzjoni li għandha tittieħed skond il-liġi nazzjonali.

PARTI B

Formola standard għaċ-ċaħda ta' dħul fil-fruntiera

Image

Test ta 'immaġni

(1)  ĠU L 187, 10.7.2001, p. 45.


ANNESS VI

Regoli speċifiċi għal tipi differenti ta' fruntieri u l-mezzi differenti ta' trasport użati biex jinqasmu l-fruntieri esterni ta' l-Istati Membri

1.   Fruntieri ta' l-art

1.1.   Verifiki fuq it-traffiku stradali

1.1.1.   Sabiex ikunu żgurati verifiki effettivi fuq persuni, filwaqt li jkunu żgurati s-sigurtà u li t-traffiku stradali jibqa' għaddej mingħajr diffikultajiet, iċ-ċaqliq fil-punti ta' qsim tal-fruntiera għandhom ikunu regolati b'mod xieraq. F'każ ta' bżonn, l-Istati Membri jistgħu jikkonkludu ftehimiet bilaterali biex jikkanalizzaw u jimblukkaw it-traffiku. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan skond l-Artikolu 37.

1.1.2.   Fil-fruntieri ta' l-art, l-Istati Membri jistgħu, fejn iqisu li hu xieraq u jekk iċ-ċirkostanzi jippermettu, jinstallaw passaġġi jew iħaddmu korsiji separati f'ċerti punti ta' qsim tal-fruntiera, skond l-Artikolu 9.

L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri jistgħu ma jużawx passaġġi jew korsiji separati fi kwalunkwe ħin, f'ċirkostanzi eċċezzjonali u fejn it-traffiku u l-kondizzjonijiet ta' l-infrastruttura jeħtieġu hekk.

L-Istati Membri jistgħu jikkooperaw mal-pajjiżi ġirien bil-ħsieb li jiġu installati passaġġi u korsiji separati fil-punti ta' qsim tal-fruntiera esterna.

1.1.3.   Bħala regola ġenerali, persuni li jivvjaġġaw f'vetturi jistgħu jibqgħu ġo fihom waqt il-verifiki. Madankollu, jekk iċ-ċirkostanzi jeħtieġu hekk, il-persuni jistgħu jiġu mitluba joħorġu mill-vetturi tagħhom. Verifiki bir-reqqa għandhom isiru, jekk iċ-ċirkostanzi lokali jippermettu, f'postijiet magħżula għal dak il-għan. Fl-interess tas-sigurtà tal-persunal, il-verifiki għandhom jitwettqu, fejn jista' jkun, minn żewġ gwardji tal-fruntiera.

1.2.   Verifiki fuq it-traffiku ferrovjarju

1.2.1.   Verifiki għandhom jitwettqu kemm fuq il-passiġġieri ta' ferrovija kif ukoll fuq il-persunal ta' linja ferrovjarja li jaqsmu fruntieri esterni, inklużi dawk fuq ferroviji tal-merkanzija jew ferroviji vojta. Dawn il-verifiki għandhom jitwettqu b'waħda jew l-oħra miż-żewġ metodi li ġejjin:

fuq il-pjattaforma, fl-ewwel stazzjon tal-wasla jew tat-tluq fit-territorju ta' Stat Membru,

abbord il-ferrovija, waqt it-transitu.

L-Istati Membri jistgħu jikkonkludu ftehimiet bilaterali dwar kif għandhom jitwettqu dawn il-kontrolli. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan skond l-Artikolu 37.

1.2.2.   B'deroga mill-punt 1.2.1. u sabiex tiġi ffaċilitata ċ-ċirkolazzjoni tat-traffiku tal-ferroviji b'veloċità għolja tal-passiġġieri, l-Istati Membri fuq l-itinerarju ta' dawn il-ferroviji minn pajjiżi terzi jistgħu wkoll jiddeċiedu, bi qbil komuni ma' pajjiżi terzi konċernati, li jwettqu verifiki fuq id-dħul ta' persuni fil-ferroviji minn pajjiżi terzi b'waħda mill-metodi li ġejjin:

fl-istazzjonijiet f'pajjiż terz fejn il-persuni jimbarkaw fuq il-ferrovija,

fl-istazzjonijiet fejn il-persuni jiżbarkaw fit-territorju ta' l-Istati Membri,

abbord tal-ferrovija waqt it-transitu bejn l-istazzjonijiet fit-territorju ta' l-Istati Membri, bil-kondizzjoni li l-persuni jibqgħu abbord tal-ferrovija fl-istazzjon(ijiet) ta' qabel.

1.2.3.   Fir-rigward ta' ferroviji b'veloċità għolja minn pajjiżi terzi li jagħmlu diversi waqfiet fit-territorju ta' l-Istati Membri, jekk it-trasportatur ferrovjarju jkun f'pożizzjoni li jtella' passiġġieri esklużivament għall-kumplament tal-vjaġġ fit-territorju ta' l-Istati Membri, tali passiġġieri għandhom ikunu soġġetti għal verifiki tad-dħul fuq il-ferrovija jew fl-istazzjon tad-destinazzjoni ħlief fejn il-kontrolli jkunu twettqu skond il-punti 1.2.1. jew 1.2.2. l-ewwel inċiż.

Il-persuni li jixtiequ jaqbdu l-ferrovija esklużivament għall-kumplament tal-vjaġġ fit-territorju ta' l-Istati Membri għandhom jirċievu avviż ċar qabel it-tluq tal-ferrovija li huma ser ikunu soġġetti għal verifiki tad-dħul matul il-vjaġġ jew fl-istazzjoni tad-destinazzjoni.

1.2.4.   Meta jivvjaġġaw fid-direzzjoni opposta, il-persuni abbord tal-ferrovija ikunu soġġetti għal kontrolli tal-ħruġ taħt arranġamenti simili.

1.2.5.   Il-gwardja tal-fruntiera jista' jordna li l-ispazji vojta tal-vaguni jiġi spezzjonat jekk meħtieġ bl-għajnuna ta' l-ispettur tal-ferrovija, biex jiġi żgurat li persuni jew oġġetti soġġetti għall-verifiki tal-fruntiera ma jkunux moħbija fihom.

1.2.6.   Fejn hemm raġunijiet biex wieħed jemmen li persuni li ġew irrapportati jew issuspettati li wettqu xi reat, jew ċittadini ta' pajjiż terz li bi ħsiebhom jidħlu illegalment, qed jistaħbew fuq ferrovija, il-gwardja tal-fruntiera, jekk ma jistax jaġixxi skond id-disposizzjonijiet nazzjonali tiegħu, għandu jgħarraf lill-Istati Membri li fit-territorju tagħhom jew lejn it-territorju tagħhom qed tivvjaġġa l-ferrovija.

2.   Fruntieri ta' l-ajru

2.1.   Proċeduri għal verifiki f'ajruporti internazzjonali

2.1.1.   L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operatur ta' l-ajruport jieħu l-miżuri meħtieġa biex jifred fiżikament iċ-ċirkolazzjoni tal-passiġġieri fuq titjiriet interni miċ-ċirkolazzjoni ta' passiġġieri fuq titjiriet oħra. Għandha titpoġġa infrastruttura xierqa fl-ajurporti internazzjonali kollha għal dak il-għan.

2.1.2.   Il-post fejn jitwettqu l-verifiki tal-fruntiera għandhom jiġi determinat skond il-proċedura li ġejja:

(a)

Il-passiġġieri fuq titjira minn pajjiż terz li jimbarkaw fuq titjira interna għandhom ikunu soġġetti għal verifiki tad-dħul fl-ajruport tal-wasla tat-titjira minn pajjiż terz. Il-passiġġieri fuq titjira interna li jimbarkaw fuq titjira lejn pajjiż terz (passiġġieri fuq trasferiment) għandhom ikunu soġġetti għal verifika tal-ħruġ fl-ajruport tat-tluq ta' din it-titjira ta' l-aħħar.

(b)

Għal titjiriet minn jew lejn pajjiż terz li m'għandhomx passiġġieri fuq trasferiment u titjiriet li jieqfu għal aktar minn darba fl-ajruporti ta' l-Istati Membri mingħajr ma jinbidel l-inġenju ta' l-ajru:

(i)

passiġġieri fuq titjiriet minn jew lejn pajjiż terz fejn m'hemmx trasferiment qabel jew wara fit-territorju ta' l-Istati Membri għandhom ikunu soġġetti għal kontroll tad-dħul fl-ajruport tad-dħul u verifika tal-ħruġ fl-ajruport tal-ħruġ;

(ii)

passiġġieri fuq titjiriet minn jew lejn pajjiż terz b'aktar minn waqfa waħda fit-territorju ta' l-Istati Membri mingħajr ma jinbidel l-inġenju ta' l-ajru (passiġġieri fuq transitu), u sakemm ma jistgħux jimbarkaw passiġġieri fuq l-ajruplan għall-parti tal-vjaġġ li tinsab fit-territorju ta' l-Istati Membri, għandhom ikunu soġġetti għal verifika tad-dħul fl-ajruport tal-wasla u verifika tal-ħruġ fl-ajruport tat-tluq;

(iii)

fejn linja ta' l-ajru tista', għal titjiriet minn pajjiż terz b'aktar minn waqfa waħda fit-territorju ta' l-Istati Membri, ittella' passiġġieri abbord biss għall-parti tal-vjaġġ li jkun fadal f'dan it-territorju, il-passiġġieri għandhom ikunu soġġetti għal verifika tal-ħruġ fl-ajruport tat-tluq u verifika tad-dħul fl-ajruport tal-wasla.

Verifiki fuq passiġġieri li, waqt dawn il-waqfiet, diġà jkunu abbord l-inġenju ta' l-ajru u ma jkunux telgħu abbord fit-territorju ta' l-Istati Membri għandhom jitwettqu skond il-punt (b)(ii). Il-proċedura bil-maqlub għandha tapplika għal din il-kategorija ta' titjiriet fejn il-pajjiż tad-destinazzjoni huwa pajjiż terz.

2.1.3.   Verifiki fuq il-fruntiera m'għandhomx normalment jitwettqu fuq l-inġenju ta' l-ajru jew fil-kanċell ta' l-imbarkazzjoni, sakemm ma jkunux ġustifikati abbażi ta' valutazzjoni tar-riskji marbuta mas-sigurtà interna u l-immigrazzjoni illegali. Sabiex jiġi żgurat li, fl-ajruporti deżinjati bħala punti ta' qsim tal-fruntiera, issir verifika fuq il-persuni skond ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 6 sa 13, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta' l-ajruport jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkanalizzaw it-traffiku tal-passiġġieri lejn il-faċilitajiet riservati għall-verifiki.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operatur ta' l-ajruport jieħu l-miżuri meħtieġa biex ma jħallix li persuni mhux awtorizzati jidħlu u joħorġu miż-żoni riservati, per eżempju ż-żona ta' transitu. Verifiki m'għandhomx normalment jitwettqu fiż-żona ta' transitu, sakemm mhux ġustifikati abbażi ta' valutazzjoni tar-riskji marbuta mas-sigurtà interna u l-immigrazzjoni illegali; b'mod partikolari verifiki f'din iż-żona jistgħu jitwettqu fuq persuni sottomessi għal viża ta' transitu ta' ajruport sabiex jiġi verifikat li huma fil-pussess ta' tali viża.

2.1.4.   Fejn, f'każijiet ta' forza maġġuri jew periklu imminenti jew fuq l-istruzzjonijiet ta' l-awtoritajiet, ajruplan fuq titjira minn pajjiż terz ikollu jillandja f'post li mhux punt ta' qsim tal-fruntiera, dak l-ajruplan jista' jkompli t-titjira tiegħu biss wara awtorizzazzjoni mill-gwardji tal-fruntiera u mill-awtoritajiet tad-dwana. L-istess għandu japplika fejn ajruplan fuq titjira minn pajjiż terz jillandja mingħajr permess. Fi kwalunkwe każ, l-Artikoli 6 sa 11 għandhom japplikaw għal kontrolli fuq persuni fuq tali inġenju ta' l-ajru.

2.2.   Proċeduri għal verifiki fl-ajrudromijiet

2.2.1.   Għandu jiġi żgurat li jsiru verifiki wkoll fuq il-persuni, skond ir-regoli stabbiliti fl-Artikoli 6 sa 13, fl-ajruporti li m'għandhomx l-istatus ta' ajurport internazzjonali skond il-liġi nazzjonali rilevanti (“ajrudromijiet”) iżda li minnhom huma awtorizzati l-passaġġi ta' rotot ta' titjiriet minn jew lejn pajjiż terz.

2.2.2.   B'deroga mill-punt 2.1.1. m'għandux ikun meħtieġ li jsiru arranġamenti adatti fl-ajrudromijiet biex jiġi żgurat li d-dħul ta' passiġġieri minn titjiriet interni u titjiriet oħra jiġu mifruda fiżikament, mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 2320/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2002 li jistabbilixxi regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà fl-avjazzjoni ċivili (1). Barra minn dan, fejn il-volum ta' traffiku huwa baxx, il-gwardji tal-fruntiera ma jeħtiġux ikunu preżenti fil-ħinijiet kollha, sakemm ikun hemm garanzija li l-persunal meħtieġ jista' jinġieb fil-post f'ħin debitu.

2.2.3.   Meta l-preżenza tal-gwardji tal-fruntiera ma tkunx żgurata fil-ħinijiet kollha fl-ajrudrom, l-amministratur ta' dan l-ajrudrom għandu jinforma biżżejjed minn qabel lill-gwardi tal-fruntiera dwar il-wasla u t-tluq ta' inġenji ta' l-ajru fuq titjiriet minn jew lejn pajjiż terz.

2.3.   Verifiki fuq persuni fuq titjiriet privati

2.3.1.   Fil-każ ta' titjiriet privati minn jew lejn pajjiż terz l-kaptan għandu jittrażmetti lill-gwardji tal-fruntiera ta' l-Istat Membru tad-destinazzjoni u, fejn xieraq, lill-Istat Membru ta' l-ewwel dħul, qabel ma jibda t-titjira, dikjarazzjoni ġenerali li tinkludi inter alia pjan tat-titjira skond l-Anness 2 għall-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali u informazzjoni dwar l-identitajiet tal-passiġġieri.

2.3.2.   Fejn titjiriet privati li jkunu ġejjin minn pajjiż terz u destinati lejn Stat Membru jagħmlu waqfiet fit-territorju ta' Stati Membri oħra, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru tad-dħul għandhom iwettqu verifiki ta' fuq il-fruntiera u jwaħħal timbru tad-dħul mad-dikjarazzjoni ġenerali msemmija fil-punt 2.3.1.

2.3.3.   Fejn teżisti inċertezza jekk titjira hix esklużivament ġejja minn, jew sejra biss lejn, it-territorji ta' l-Istati Membri mingħajr ma tillandja fit-territorju ta' xi pajjiż terz, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu verifiki fuq il-persuni fl-ajruporti u fl-ajrudromijiet skond il-punti 2.1 sa 2.2.

2.3.4.   L-arranġamenti għad-dħul u l-ħruġ ta' gliders, ajruplani ħfief ħafna (micro-light), ħelikopters, ajruplani ta' skala żgħira li jistgħu jtiru għal distanzi qosra biss u diriġibbli għandhom jiġu stabbiliti mil-liġi nazzjonali u, fejn hu applikabbli, minn ftehimiet bilaterali.

3.   Fruntieri marittimi

3.1.   Proċeduri ġenerali ta' verifika fuq it-traffiku marittimu

3.1.1.   Verifiki fuq bastimenti għandhom jitwettqu fil-port tal-wasla jew tat-tluq, abbord il-bastiment jew f'żona maħsuba għal dan il-għan, li tkun tinsab eżatt fil-qrib tal-bastiment. Madanakollu, skond il-ftehimiet milħuqa dwar dan is-suġġett, jistgħu jitwettqu wkoll verifiki waqt il-qsim jew, mal-wasla jew it-tluq tal-bastiment, fit-territorju ta' Stat terz.

L-għan tal-kontrolli hu li jiġi żgurat li kemm l-ekwipaġġ kif ukoll il-passiġġieri jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 19(1)(ċ).

3.1.2.   Il-kaptan tal-bastiment jew, fin-nuqqas ta' dan, l-individwu jew il-korporazzjoni li tirrappreżenta s-sid tal-bastiment f'kull m'għandu x'jaqsam mad-dmirijiet ta' sid il-bastiment fl-armar tiegħu (“l-aġent ta' sid il-bastiment”), għandu jfassal lista, idduplikata, ta' l-ekwipaġġ u ta' kwalunkwe passiġġier. Sa mhux aktar tard mill-wasla fil-port huwa għandu jagħti l-lista/i lill-gwardji tal-fruntiera. Jekk, għal raġunijiet ta' forza maġġuri, il-lista jew il-listi ma jistgħux jintbagħtu lill-gwardji tal-fruntiera, għandha tintbagħat kopja lill-post tal-fruntiera jew l-awtorità marittima adatta, li għandha twassalha minnufih lill-gwardji tal-fruntiera.

3.1.3.   Kopja waħda miż-żewġ listi debitament iffirmata mill-gwardja tal-fruntiera għandha tingħata lura lill-kaptan tal-bastiment, li għandu juriha malli jintalab hekk meta jkun fil-port.

3.1.4.   Il-kaptan tal-bastiment, jew fin-nuqqas ta' dan, l-aġent ta' sid il-bastiment għandu jirrapporta minnufih lill-awtorità kompetenti kwalunkwe bidla fil-kompożizzjoni ta' l-ekwipaġġ jew fin-numru ta' passiġġieri.

Barra minn dan, il-kaptan għandu jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti minnufih, u jekk jista' jkun anke qabel ma l-bastiment jidħol fil-port, dwar il-preżenza abbord ta' passiġġieri bla permess. Dawn ta' l-aħħar għandhom, madankollu, jibqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-kaptan tal-bastiment.

3.1.5.   Il-kaptan tal-bastiment għandu jinnotifika lill-gwardi tal-fruntiera dwar it-tluq tal-bastiment f'ħin debitu u skond ir-regoli li jkunu fis-seħħ fil-port konċernat; jekk ma jkunx jista' jinnotifika lil dawn l-awtoritajiet, huwa għandu javża lill-awtorità marittima rilevanti. It-tieni kopja tal-lista jew il-listi li jkunu tlestew u ġew iffirmati minn qabel għandhom jingħataw lura lil gwardji tal-fruntiera jew dawn l-awtoritajiet marittimi.

3.2.   Proċeduri ta' verifiki speċifiċi għal ċerti tipi ta' tbaħħir

Bastimenti tal-kruċiera

3.2.1.   Il-kaptan tal-bastiment tal-kruċiera jew, fin-nuqqas ta' dan, l-aġent ta' sid il-bastiment għandu jibgħat lill-gwardji tal-fruntiera rispettivi l-itinerarju u l-programm tal-kruċiera, mill-inqas 24 siegħa qabel ma jitlaq mill-port tat-tluq u qabel il-wasla f'kull port fit-territorju ta' l-Istati Membri.

3.2.2.   Jekk l-itinerarju ta' bastiment tal-kruċiera jikkonsisti esklużivament minn portijiet li jinsabu fit-territorju ta' l-Istati Membri, b'deroga mill-Artikoli 4 u 7, m'għandhom jitwettqu l-ebda verifiki ta' fuq il-fruntiera u l-bastiment tal-kruċiera jista' jittrakka f'portijiet li m'humiex punti ta' qsim tal-fruntiera.

Madankollu, abbażi ta' valutazzjoni tar-riskji marbuta mas-sigurtà interna u l-immigrazzjoni illegali, jistgħu jitwettqu verifiki fuq l-ekwipaġġ u l-passiġġieri ta' dawn il-bastimenti.

3.2.3.   Jekk l-itinerarju ta' bastiment tal-kruċiera jikkonsisti kemm minn portijiet li jinsabu fit-territorju ta' l-Istati Membri kif ukoll minn portijiet li jinsabu f' pajjiż terz, b'deroga mill-Artikolu 6, il-kontrolli tal-fruntiera għandhom jitwettqu kif ġej.

(a)

Meta l-bastiment tal-kruċiera jkun ġej minn port li jinsab f'pajjiż terz u jidħol għall-ewwel darba f'port li jinsab fit-territorju ta' Stat Membru, l-ekwipaġġ u l-passiġġieri għandhom ikunu soġġetti għal verifiki tad-dħul abbażi tal-listi nominali ta' l-ekwipaġġ u l-passiġġieri, kif imsemmija fil-punt 3.2.4.

Passiġġieri li jinżlu l-art għandhom ikunu soġġetti għal verifiki tad-dħul skond l-Artikolu 7 ħlief jekk valutazzjoni tar-riskji marbuta mas-sigurtà interna u l-immigrazzjoni illegali turi li m'hemm l-ebda ħtieġa li jitwettqu tali verifiki.

(b)

Meta l-bastiment tal-kruċiera jkun ġej minn port li jinsab f' pajjiż terz u jerġa' jidħol f'port li jinsab fit-territorju ta' Stat Membru, l-ekwipaġġ u l-passiġġieri għandhom ikunu soġġetti għal verifiki tad-dħul abbażi tal-listi nominali ta' l-ekwipaġġ u l-passiġġieri kif imsemmija fil-punt 3.2.4. safejn dawn il-listi jkunu ġew modifikati minn meta l-bastiment tal-kruċiera kien daħal fil-port preċedenti li jinsab fit-territorju ta' Stat Membru.

Passiġġieri li jinżlu l-art għandhom ikunu soġġetti għal verifiki tad-dħul skond l-Artikolu 7 ħlief jekk valutazzjoni tar-riskji marbuta mas-sigurtà interna u l-immigrazzjoni illegali turi li m'hemm l-ebda ħtieġa li jitwettqu tali verifiki.

(ċ)

Meta l-bastiment tal-kruċiera jkun ġej minn port li jinsab fi Stat Membru u jidħol f'tali port, il-passiġġieri li jinżlu l-art għandhom ikunu soġġetti għal verifiki tad-dħul skond l-Artikolu 7 jekk valutazzjoni tar-riskji marbuta mas-sigurtà interna u l-immigrazzjoni illegali teħtieġ hekk.

(d)

Meta bastiment tal-kruċiera jitlaq minn port li jinsab fi Stat Membru lejn port f'pajjiż terz, l-ekwipaġġ u l-passiġġieri għandhom ikunu soġġetti għal kontroll tal-ħruġ abbażi tal-listi nominali ta' l-ekwipaġġ u l-passiġġieri.

Jekk valutazzjoni tar-riskji marbuta mas-sigurtà interna u l-immigrazzjoni illegali teħtieġ hekk, il-passiġġieri li jitilgħu abbord għandhom ikunu soġġetti għal kontrolli tal-ħruġ skond l-Artikolu 7.

(e)

Meta bastiment tal-kruċiera jitlaq minn port li jinsab fi Stat Membru lejn tali port, m'għandhom jitwettqu l-ebda verifiki tal-ħruġ.

Madankollu, abbażi ta' valutazzjoni tar-riskji marbuta mas-sigurtà interna u l-immigrazzjoni illegali, jistgħu jitwettqu verifiki fuq l-ekwipaġġ u l-passiġġieri ta' dawn il-bastimenti.

3.2.4.   Il-listi nominali ta' l-ekwipaġġ u l-passiġġieri għandhom jinkludu:

(a)

l-isem u l-kunjom

(b)

id-data tat-twelid

(ċ)

iċ-ċittadinanza

(d)

in-numru u t-tip tad-dokument ta' l-ivvjaġġar u, fejn hu applikabbli, in-numru tal-viża.

Il-kaptan tal-bastiment tal-kruċiera jew, fin-nuqqas ta' dan, l-aġent ta' sid il-bastiment għandu jittrasmetti lill-gwardji tal-fruntiera rispettivi l-listi nominali mill-inqas 24 siegħa qabel il-wasla f'kull port fit-territorju ta' l-Istati Membri jew, fil-każ li l-vjaġġ lejn dan il-port idum inqas minn 24 siegħa, minnufih wara li jkun tlesta l-imbark fil-port ta' qabel.

Il-lista nominali għandha tiġi ttimbrata fl-ewwel port tad-dħul fit-territorju ta' l-Istati Membri u fil-każijiet kollha wara dan jekk il-lista tiġi modifikata. Il-lista nominali għandu jittieħed kont tagħha fil-valutazzjoni tar-riskji kif imsemmi fil-punt 3.2.3.

Dgħajjes tad-divertiment

3.2.5.   B'deroga mill-Artikoli 4 u 7, il-persuni abbord ta' dgħajjes tad-divertiment li jkunu ġejjin minn jew qed jitilqu lejn port li jinsab fi Stat Membru m'għandhomx ikunu soġġetti għal kontrolli tal-fruntiera u jistgħu jidħlu f'port li mhux punt ta' qsim tal-fruntiera.

Madankollu, meta skond il-valutazzjoni tar-riskji ta' l-immigrazzjoni illegali, u b'mod partikolari fejn il-kosta ta' pajjiż terz tinsab fil-viċinanza immedjata tat-territorju ta' l-Istat Membru konċernat, għandhom jitwettqu verifiki fuq dawn il-persuni u/jew tfittxija fiżika fid-dgħajjes tad-divertiment.

3.2.6.   B'deroga mill-Artikolu 4, dgħajsa tad-divertiment li tkun ġejja minn pajjiż terz tista', f'każijiet eċċezzjonali, tidħol f'port li m'hux punt ta' qsim tal-fruntiera. F'dawn il-każijiet, il-persuni abbord għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet tal-port sabiex jiġu awtorizzati jidħlu f'dan il-port. L-awtoritajiet tal-port għandhom jikkuntattjaw lill-awtoritajiet fl-eqreb port deżinjat bħala punt ta' qsim tal-fruntiera sabiex jirrapportaw il-wasla tad-dgħajsa. Id-dikjarazzjoni dwar il-passiġġieri għandha ssir billi l-lista tal-persuni abbord tiġi ppreżentata lill-awtoritajiet tal-port. Din il-lista għandha ssir disponibbli għall-gwardji tal-fruntiera, sa mal-wasla l-aktar tard.

Bl-istess mod, jekk għal raġunijiet ta' forza maġġuri d-dgħajsa tad-divertiment li tkun ġejja minn pajjiż terz ikollha tittrakka f'port li mhux punt ta' qsim tal-fruntiera, l-awtoritajiet tal-port għandhom jikkuntattjaw lill-awtoritajiet fl-eqreb port deżinjat bħala punt ta' qsim tal-fruntiera sabiex jirrapportaw il-preżenza tad-dgħajsa.

3.2.7.   Waqt dawn il-verifiki, għandu jiġi sottomess dokument li fih il-karatteristiċi tekniċi kollha tad-dgħajsa u l-ismijiet tal-persuni abbord. Kopja ta' dan id-dokument għandha tingħata lill-awtoritajiet fil-portijiet tad-dħul u tat-tluq. Sakemm id-dgħajsa tibqa' fl-ilmijiet territorjali ta' wieħed mill-Istati Membri, kopja ta' dan id-dokument għandha tkun inkluża fost il-karti tad-dgħajsa.

Sajd mal-kosta

3.2.8.   B'deroga mill-Artikoli 4 u 7, m'għandhomx isiru verifiki sistematiċi fuq l-ekwipaġġi ta' bastimenti tas-sajd mal-kosta li jerġgħu lura kuljum jew fi żmien 36 siegħa lejn il-port tar-reġistrazzjoni jew lejn kwalunkwe port ieħor li jinsab fit-territorju ta' l-Istati Membri mingħajr ma jittrakkaw f'port li jinsab fit-territorju ta' pajjiż terz. Madankollu, għandu jittieħed kont tal-valutazzjoni tar-riskji ta' l-immigrazzjoni illegali, b'mod partikolari fejn il-kosta ta' pajjiż terz tinsab fil-viċinanza immedjata tat-territorju ta' l-Istat Membru konċernat, sabiex tiġi determinata l-frekwenza tal-verifiki li għandhom jitwettqu. Skond dawk ir-riskji, għandhom jitwettqu verifiki fuq il-persuni u/jew tfittxija fiżika tal-bastiment.

3.2.9.   Għandhom isiru verifiki fuq l-ekwipaġġi tal-bastimenti tas-sajd mal-kosta li mhumiex reġistrati f'port li jinsab fit-territorju ta' Stat Membru skond id-disposizzjonijiet relatati mal-baħħara.

Il-kaptan tal-bastiment għandu jgħarraf lill-awtoritajiet kompetenti dwar kull bidla fil-lista ta' l-ekwipaġġ u dwar il-preżenza ta' kull passiġġier.

Kollegamenti bi traġitt

3.2.10.   Għandhom jitwettqu verifiki fuq il-persuni abbord ta' kollegamenti bi traġitt (ferry) ma' portijiet li jinsabu f'pajjiż terz. Għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)

fejn jista' jkun, l-Istati Membri għandhom jipprovdu korsiji separati, skond l-Artikolu 9;

(b)

verifiki fuq passiġġieri bil-mixi għandhom jitwettqu b'mod individwali;

(ċ)

verifiki fuq persuni li jkunu f'vettura għandhom jitwettqu waqt li huma jkunu fil-vettura;

(d)

passiġġieri tat-traġitt li jkunu qed jivvjaġġaw b'xarabank għandhom jitqiesu bħala passiġġieri bil-mixi. Dawn il-passiġġieri għandhom jinżlu mix-xarabank għall-verifiki;

(e)

verifiki fuq ix-xufiera ta' vetturi li jġorru merkanzija tqila u fuq il-persuni li jakkumpanjawhom għandhom jitwettqu waqt li dawn ikunu fil-vettura. Fil-prinċipju din il-verifika għandha tkun organizzata separatament mill-verifiki fuq il-passiġġieri l-oħra;

(f)

biex ikun żgurat li l-verifiki jitwettqu malajr, għandu jkun hemm numru biżżejjed ta' kanċelli;

(g)

sabiex jinqabdu l-immigranti illegali b'mod partikolari, għandhom isiru tfittxijiet saltwarji fuq il-mezzi ta' trasport użati mill-passiġġieri, u fejn ikun applikabbli fuq it-tagħbijiet u l-merkanzija l-oħra stivata fil-mezzi ta' trasport;

(h)

membri ta' l-ekwipaġġ ta' traġitt għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod bħall-membri ta' l-ekwipaġġ ta' bastiment kummerċjali.

4.   Trasport f'passaġġi fuq l-ilma interni

4.1.   “Trasport f'passaġġi fuq l-ilma interni li jinvolvi l-qsim ta' fruntiera esterna” jkopri l-użu, għal finijiet kummerċjali jew ta' divertiment, ta' kull tip ta' dgħajsa jew bastiment li jżomm f'wiċċ l-ilma fix-xmajjar, fil-kanali u fil-lagi.

4.2.   Fir-rigward ta' dgħajjes użati għal finijiet kummerċjali, il-kaptan u l-persuni impjegati abbord li jidhru fil-lista ta' l-ekwipaġġ u l-membri tal-familji ta' dawn il-persuni li jgħixu abbord għandhom jitqiesu bħala membri ta' l-ekwipaġġ jew ekwivalenti għalihom.

4.3.   Id-disposizzjonijiet rilevanti tal-punti 3.1 sa 3.2 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-verifiki fuq trasport f'passaġġi fuq l-ilma interni.


(1)  ĠU L 355, 30.12.2002, p. 1. Regolament kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 849/2004 (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 1).


ANNESS VII

Regoli speċjali għal ċerti kategoriji ta’ persuni

1.   Kapijiet ta’ Stat

B’deroga mill-Artikoli 7 sa 13, il-Kapi ta’ Stat u l-membri tad-delegazzjoni tagħhom, li l-wasla u t-tluq tagħhom ikunu ġew imħabbra uffiċjalment permezz tal-kanali diplomatiċi lill-gwardji tal-fruntiera, ma jistgħux ikunu soġġetti għal kontrolli fuq il-fruntiera.

2.   Il-bdoti ta’ inġenji ta’ l-ajru u membri oħra ta’ l-ekwipaġġ

2.1.   B’deroga mill-Artikolu 5 d-detenturi ta’ liċenzja ta’ bdot jew ċertifikat ta’ membru ta’ l-ekwipaġġ kif previst fl-Anness 9 għall-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili tas-7 ta’ Diċembru 1944 jistgħu, waqt il-qadi ta’ dmirijiethom u abbażi ta’ dawk id-dokumenti:

(a)

jimbarkaw u jiżbarkaw fl-ajruport tal-waqfa (stop-over) jew fl-ajruport tal-wasla li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru;

(b)

jidħlu fit-territorju tal-muniċipalità ta’ l-ajruport tal-waqfa (stop-over) jew l-ajruport tal-wasla li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru;

(ċ)

imorru, permezz ta’ kwalunkwe mezz ta’ trasport, lejn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru sabiex jimbarkaw fuq inġenju ta’ l-ajru li jkun ser jitlaq minn dak l-istess ajruport.

Fil-każi l-oħra kollha, il-ħtiġiet previsti fl-Artikolu 5(1) għandhom jiġu sodisfatti.

2.2.   L-Artikoli 6 sa 13 għandhom japplikaw għall-verifiki fuq membri ta’ l-ekwipaġġ ta’ inġenju ta’ l-ajru. Fejn hu possibli, għandha tingħata prijorità għall-verifiki fuq ekwipaġġi ta’ inġenji ta’ l-ajru. Speċifikament, għandhom isirulhom il-verifiki jew qabel il-passiġġieri jew f’postijiet speċjali maħsuba għal dan il-għan. B’deroga mill-Artikolu 7, ekwipaġġi li jkunu magħrufa mill-persunal responsabbli għall-kontrolli fuq il-fruntiera fil-qadi ta’ dmirijiethom jistgħu jkunu soġġetti għal verifiki saltwarji biss.

3.   Baħħara

3.1.   B’deroga mill-Artikoli 4 u 7, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-baħħara li jkollhom dokument ta’ l-identità ta’ baħħara maħruġ skond il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tad-19 ta’ Ġunju 2003 (Nru 185), il-Konvenzjoni ta’ Londra tad-9 ta’ April 1965 u l-liġijiet rilevanti nazzjonali, biex jidħlu fit-territorju ta’ l-Istati Membri billi jinżlu l-art biex jibqgħu fiż-żona tal-port fejn jidħlu l-bastimenti tagħhom jew fil-muniċipalitajiet ta’ ħdejha mingħajr ma jippreżentaw irwieħhom f’punt ta’ qsim tal-fruntiera, bil-kondizzjoni li huma jkunu jidhru fuq il-lista ta’ l-ekwipaġġ tal-bastiment li jappartjenu għalih u li tkun ġiet sottomessa minn qabel għal verifika mill-awtoritajiet kompetenti.

Madankollu, skond il-valutazzjoni tar-riskji tas-sigurtà interna u l-immigrazzjoni illegali, il-baħħara għandhom ikunu soġġetti għal verifika skond l-Artikolu 7 mill-gwardji tal-fruntiera qabel ma jinżlu l-art.

Jekk baħħar jikkostitwixxi theddida għall-politika pubblika, is-sigurtà interna jew is-saħħa pubblika, huwa jista’ jiġi miċħud minn permess li jinżel l-art.

3.2.   Baħħara li jkun biħsiebhom joqogħdu barra l-muniċipalitajiet li jinsabu qrib tal-portijiet għandhom jikkonformaw mal-kondizzjonijiet għad-dħul fit-territorju ta’ l-Istati Membri, kif stabbiliti fl-Artikolu 5(1).

4.   Detenturi ta’ passaporti diplomatiċi, uffiċjali jew tas-servizz u membri ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali

4.1.   Minħabba l-privileġġi speċjali jew l-immunitajiet li għandhom, id-detenturi ta’ passaporti diplomatiċi, uffiċjali jew tas-servizz maħruġa minn pajjiżi terżi jew mill-Gvernijiet tagħhom li huma rikonoxxuti mill-Istati Membri, kif ukoll id-detenturi ta’ dokumenti maħruġa mill-organizzazzjonijiet internazzjonali elenkati fil-punt 4.4, li jkunu qed jivvjaġġaw waqt il-qadi ta’ dmirijiethom, jistgħu jingħataw prijorità fuq vjaġġaturi oħra għall-verifiki fuq il-fruntiera, għalkemm xorta jibqgħu, fejn hu applikabbli, soġġetti għall-ħtieġa ta’ viża.

B’deroga mill-Artikolu 5(1) (ċ), persuni li jkunu fil-pussess ta’ dawn id-dokumenti ma għandhomx ikunu meħtieġa jipprovaw li għandhom mezzi suffiċjenti ta’ sussistenza.

4.2.   Jekk persuna li tippreżenta ruħha fi fruntiera esterna tinvoka privileġġi, immunitajiet u eżenzjonijiet, il-gwardja tal-fruntiera jista’ jeħtiġilha tipprovdi evidenza ta’ l-istatus tagħha billi tipproduċi d-dokumenti adegwati, b’mod partikulari ċertifikati maħruġa mill-Istat li jakkreditaha jew passaport diplomatiku jew mezzi oħra. Jekk ikollu xi dubji, il-gwardja tal-fruntiera jista’, f’każ ta’ bżonn urġenti, japplika direttament lill-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin.

4.3.   Membri akkreditati ta’ missjonijiet diplomatiċi u ta’ rappreżentazzjonijiet konsulari u l-familji tagħhom jistgħu jidħlu fit-territorju ta’ l-Istati Membri meta jippreżentaw il-karta msemmija fl-Artikolu 19(2) u d-dokument li jawtorizzahom jaqsmu l-fruntiera. Barra minn hekk, b’deroga mill-Artikolu 13 il-gwardji tal-fruntiera ma jistgħux ma jħallux lid-detenturi ta’ passaporti diplomatiċi, uffiċjali jew tas-servizz milli jidħlu fit-territorju ta’ l-Istati Membri mingħajr ma l-ewwel jikkonsultaw ma’ l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti. Dan għandu japplika wkoll fejn ikun iddaħħal allert fl-SIS għal din il-persuna.

4.4.   Id-dokumenti maħruġa mill-organizzazzjonijiet internazzjonali għall-għanijiet speċifikati fil-punt 4.1 huma b’mod partikulari, dawn li ġejjin:

laissez-passer tan-Nazzjonijiet Uniti maħruġ lill-persunal tan-Nazzjonijiet Uniti u aġenziji subordinati, skond il-Konvenzjoni dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet ta’ Aġenziji Speċjalizzati, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-21 ta’ Novembru 1947 fi New York;

laissez-passer tal-Komunità Ewropea (KE);

laissez-passer tal-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika (Euratom);

ċertifikat ta’ leġittimità maħruġ mis-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill ta’ l-Ewropa;

dokumenti maħruġa skond il-paragrafu 2 ta’ l-Artikolu III tal-Ftehim bejn il-Partijiet għat-Trattat ta’ l-Atlantiku tat-Tramuntana dwar l-Istatus tal-Forza tagħhom (karti ta’ l-identità militari akkumpanjati b’ordni għall-ivvjaġġar, mandat għall-ivvjaġġar jew ordni għal moviment kollettiv) kif ukoll dokumenti maħruġa fil-qafas tas-Sħubija għall-Paċi.

5.   Ħaddiema transkonfini

5.1.   Il-proċeduri biex isiru verifiki fuq ħaddiema trans-konfini huma rregolati mir-regoli ġenerali dwar il-kontrolli fuq il-fruntiera, b’mod partikolari l-Artikoli 7 u 13.

5.2.   B’deroga mill-Artikolu 7 ħaddiema trans-konfini li huma magħrufa sew mill-gwardji tal-fruntiera minħabba li jaqsmu l-fruntiera ta’ spiss fl-istess punt ta’ qsim tal-fruntiera, u li, abbażi ta’ verifika inizjali, ma jkunux irriżultaw li huma s-suġġetti ta’ xi allert fl-SIS jew f’xi fajl nazzjonali tad-data jkunu soġġetti biss għal verifiki saltwarji biex ikun żgurat li jkollhom dokument validu li jawtorizzahom jaqsmu l-fruntiera u li jissodisfaw il-kondizzjonijiet tad-dħul neċessarji. Verifiki bir-reqqa għandhom jitwettqu fuq dawn il-persuni minn żmien għal żmien, mingħajr avviż u f’intervalli irregolari.

5.3.   Id-disposizzjonijiet tal-punt 5.2 jistgħu jiġu estiżi għal kategoriji oħra ta’ persuni li jaqsmu l-fruntiera regolarment.

6.   Minorenni

6.1.   Il-gwardji tal-fruntiera għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-minorenni, kemm jekk ikunu qed jivvjaġġaw akkumpanjati u wkoll jekk le. Minorenni li jkunu qed jaqsmu l-fruntiera esterna għandhom ikunu soġġetti għall-istess verifiki mad-dħul u mal-ħruġ bħall-adulti, kif previst f’dan ir-Regolament.

6.2.   Fil-każ ta’ minorenni li jkunu akkumpanjati, il-gwardja tal-fruntiera għandu jivverifika li l-persuni li jkunu qed jakkumpanjaw lill-minorenni jkollhom ir-responsabbiltà ta’ ġenituri fuqhom, speċjalment meta l-minorenni jkunu akkumpanjati minn adult wieħed biss u jkun hemm raġunijiet serji għalxiex wieħed jissuspetta li dawn setgħu tneħħew b’mezzi illegali mill-kustodja tal-persuna jew persuni li legalment jeżerċitaw ir-reponsabbiltà ta’ ġenituri fuqhom. F’dan l-aħħar każ, il-gwardja tal-fruntiera għandu jwettaq investigazzjoni ulterjuri sabiex jaqbad xi inkonsistenzi jew kontradizzjonijiet fl-informazzjoni mogħtija.

6.3.   Fil-każ ta’ minorenni li jkunu qed jivvjaġġaw mhux akkumpanjati, il-gwardji tal-fruntiera għandhom jiżguraw, permezz ta’ verifiki bir-reqqa fuq id-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar u d-dokumenti ta’ sostenn, li l-minorenni ma jħallux it-territorju kontra x-xewqat tal-persuna jew persuni li jkollhom ir-reponsabbiltà ta’ ġenituri fuqhom.


ANNESS VIII

Image

Test ta 'immaġni

13.4.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

33


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 563/2006

tat-13 ta’ Marzu 2006

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-Komunità Ewropea u l-Gżejjer Solomon fuq is-sajd ’il barra mill-kosta tal-Gżejjer Solomon

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37, flimkien ma’ l-Artikolu 300(2) u l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 300(3),

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Il-Komunità u l-Gżejjer Solomon innegozjaw u inizjalizzaw Ftehim ta’ Sħubija dwar l-Industrija tas-Sajd li jipprovdi lis-sajjieda tal-Komunità b’opportunitajiet ta’ sajd fl-ibħra territorjali li fuqhom il-Gżejjer Solomon għandhom is-sovranità u l-ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ l-industrija tas-sajd.

(2)

Dak il-Ftehim jipprovdi għal koperazzjoni ekonomika, finanzjarja, teknika u xjentifika fis-settur ta’ l-industrija tas-sajd bl-għan li jkunu ggarantiti l-konservazzjoni u l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi, kif ukoll għal sħubijiet bejn intrapriżi li l-iskop tagħhom huwa li jiżviluppaw l-attivitajiet ekonomiċi fis-settur tas-sajd u attivitajiet relatati fl-interess komuni.

(3)

Dak il-Ftehim għandu jiġi approvat.

(4)

L-allokazzjoni ta’ l-opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri għandha tkun iddefinita.

(5)

L-Istati Membri li l-bastimenti tagħhom jistadu taħt dan il-Ftehim għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-kwantitajiet ta’ kull qabda ta’ ħut fiż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 500/2001 ta’ l-14 ta’ Marzu 2001 li tniżżel regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 dwar is-sorveljanza tal-qbid meħuda mid-dgħajjes tas-sajd tal-Komunità f’ibħra ta’ pajjiżi terzi u fl-ibħra miftuħa (2).

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-Komunità Ewropea u l-Gżejjer Solomon dwar sajd ’il barra mill-kosta tal-Gżejjer Solomon (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”) huwa b’dan approvat f’isem il-Komunità.

It-test tal-Ftehim qed jiġi mehmuż ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

L-opportunitajiet tas-sajd stabbiliti fil-Protokoll tal-Ftehim għandhom jitqassmu fost l-Istati Membri kif ġej:

Sajd għat-tonn bit-tartaruni mgħammra bi friżer:

Spanja:

75 % tal-possibbiltajiet tas-sajd disponibbli

Franza:

25 % tal-possibbiltajiet tas-sajd disponibbli

Sajd bil-konz tal-wiċċ:

Spanja:

6 bastimenti

Portugall:

4 bastimenti

Jekk l-applikazzjonijiet għall-liċenzji ta’ dawn l-Istati Membri ma jkoprux l-opportunitjiet kollha tas-sajd stabbiliti mill-Protokoll, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra applikazzjonijiet għal-liċenzja minn kwalunkwe Stat Membru ieħor.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ ġurnata wara l-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, nhar it-13 ta’ Marzu 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BARTENSTEIN


(1)  Opinjoni mogħtija fl-14 ta’ Frar 2006 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)

(2)  ĠU L 73, 15.3.2001, p. 8.


FTEHIM TA’ SĦUBIJA

Bejn il-Komunità Ewropea u l-Gżejjer Solomon dwar sajd ’il barra mill-kosta tal-Gżejjer Solomon

IL-KOMUNITÀ EWROPEA, minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Komunità”, u

Il-Gvern tal-Gżejjer Solomon, minn hawn ’il-quddiem imsejjaħ “Gżejjer Solomon”;

Bit-tnejn flimkien imsejħa “il-Partijiet”;

WAQT LI JQISU l-koperazzjoni mill-viċin u r-relazzjonijiet kordjali bejn il-Komunità u l-Gżejjer Solomon, b’mod partikolari fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Lomé u Cotonou, u x-xewqa reċiproka li jsostnu u jiżviluppaw dawn ir-relazzjonijiet;

WAQT LI JQISU x-xewqa tal-Gżejjer Solomon li jinkoraġġixxu l-utilizzazzjoni razzjonali tar-riżorsi tagħhom ta’ l-industrija tas-sajd permezz ta’ koperazzjoni intensifikata;

WAQT LI JERĠGĦU JIFTAKRU LI, fejn għandu x’jaqsam, b’mod partikolari, is-sajd fil-baħar, il-Gżejjer Solomon jeżerċitaw is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tagħhom fuq żona li testendi sa 200 mil nawtiku ’l barra mil-linji bażi tal-kosti tagħhom;

WARA LI KKUNSIDRAW il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar u l-Ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Ħażniet ta’ Ħut;

KONXJI mill-importanza tal-prinċipji stabbiliti mill-Kodiċi ta’ kondotta għal sajd responsabbli adottat mill-Konferenza tal-FAO fl-1995;

WAQT LI JIDDIKJARAW LI l-eżerċizzju tad-drittijiet sovrani mill-Istati ta’ mal-kosta fl-ilmijiet territorjali li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom bl-iskop li jisfruttaw, jikkonservaw u jamministraw riżorsi ħajjin irid jitmexxa skond il-prinċipji u l-prattika tal-liġi internazzjonali u tal-konsiderazzjoni xierqa tal-prattika stabbilita fuq livell reġjonali;

IDDETERMINATI li jikkoperaw, fl-interess reċiproku tagħhom, fl-inkoraġġiment tat-titjib fis-sajd responsabbli sabiex tkun assigurata l-konservazzjoni għal perjodu twil u l-utilizzazzjoni sostenibbli ta’ riżorsi ħajjin tal-baħar;

KONVINTI LI koperazzjoni bħal din għandha tieħu l-għamla ta’ inizjattivi u miżuri li, kemm jekk meħudin b’mod konġunt u kemm jekk b’mod separat, ikunu komplementari, konsistenti mal-politika u jassiguraw sinerġija fl-isforzi;

DEĊIŻI LI, biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, jiġi stabbilit djalogu sabiex tkun identifikata politika settorjali dwar l-industrija tas-sajd fil-Gżejjer Solomon, u jiġu identifikati l-mezzi xierqa li jassiguraw li din il-politika tkun implimentata b’mod effettiv u li l-operaturi ekonomiċi u s-soċjetà ċivili jkunu involuti f’dan il-proċess;

XEWQANA LI jistabbilixxu termini u kundizzjonijiet li jirregolaw l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tal-Komunità fiż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon u appoġġ min-naħa tal-Komunità għal titjib fis-sajd responsabbli f’dik iż-żona tas-sajd;

IDDEĊIDEW li jaħdmu ħalli jkun hemm koperazzjoni ekonomika aktar mill-qrib fl-industrija tas-sajd u attivitajiet relatati permezz tat-twaqqif u l-iżvilupp ta’ intrapriżi konġunti li jinvolvu liż-żewġ Partijiet;

HAWNHEKK JAQBLU FUQ DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

Il-kamp ta’ applikazzjoni

Dan il-Ftehim jistabbilixxi l-prinċipji, ir-regoli u l-proċeduri li jirregolaw:

il-koperazzjoni ekonomika, finanzjarja, teknika u xjentifika fis-settur ta’ l-industrija tas-sajd bl-għan li jitjieb is-sajd responsabbli fiż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon biex ikunu garantiti l-konservazzjoni u l-utilizzazzjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd, u jiġi żviluppat is-settur ta’ l-industrija tas-sajd tal-Gżejjer Solomon,

il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-aċċess mill-bastimenti tas-sajd tal-Komunità għaż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon,

l-arranġamenti għas-sorveljanza taż-żona fejn jinqabad il-ħut għall-kummerċ tal-Gżejjer Solomon bl-għan li jkun assigurat li jiġu osservati r-regoli u l-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq,

il-miżuri għal konservazzjoni u amminstrazzjoni effettivi tal-ħażniet tal-ħut,

il-prevenzjoni ta’ sajd illegali, mhux iddikjarat u mhux irregolat,

is-sħubijiet bejn kumpaniji li jkollhom l-iskop li jiżviluppaw attivitajiet ekonomiċi fis-settur ta’ l-industrija tas-sajd u attivitajiet relatati, fl-interess komuni.

Artikolu 2

Id-definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim:

(a)

L-“awtoritajiet tal-Gżejjer Solomon” tfisser id-Dipartiment ta’ l-Industrija tas-Sajd u tar-Riżorsi tal-Baħar tal-Gżejjer Solomon jew is-Segretarju Permanenti responsabbli mill-Industrija tas-Sajd fid-Dipartiment ta’ l-Industrija tas-Sajd u tar-Riżorsi tal-Baħar tal-Gżejjer Solomon;

(b)

L-“awtoritajiet tal-Komunità” tfisser il-Kummissjoni Ewropea;

(ċ)

Iż-“żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon” tfisser l-ilmiijiet territorjali li fuqhom għandhom sovranità jew ġurisdizzjoni il-Gżejjer Solomon fejn għandu x’jaqsam is-sajd, identifikati permezz tal-leġislazzjoni nazzjonali tal-Gżejjer Solomon bħala “il-limiti għall-industrija tas-sajd tal-Gżejjer Solomon”;

(d)

“Bastiment tal-Komunità” tfisser bastiment tas-sajd li jtajjar bandiera ta’ Stat Membru u li jkun irreġistrat fil-Komunità;

(e)

“Intrapriża konġunta” tfisser kumpanija kummerċjali mwaqqfa fil-Gżejjer Solomon minn sidien ta’ bastimenti jew intrapriżi nazzjonali mill-Partijiet bl-iskop li jinvolvu ruħhom f’attivitajet tas-sajd jew attivitajiet oħrajn relatati;

(f)

“Kumitat konġunt” tfisser kumitat magħmul minn rappreżentanti tal-Komunità u tal-Gżejjer Solomon li l-funzjonijiet tiegħu huma deskritti fl-Artikolu 9 ta’ dan il-Ftehim;

(g)

“Sajd” tfisser:

i.

it-tiftix, il-qbid, it-teħid jew il-ġbir tal-ħut;

ii.

li wieħed jipprova jfittex, jaqbad, jieħu jew jiġbor il-ħut;

iii.

li wieħed jaqbad kwalunkwe attività oħra li b’mod raġonevoli tista’ tirriżulta fis-sejba, fil-qabda, fit-teħid jew fil-ġabra tal-ħut;

iv.

it-tqegħid, it-tiftix jew l-irkupru ta’ apparat li jservi biex jiġbor il-ħut f’żona waħda jew apparat elettroniku assoċjat bħal apparati tar-radju li jgħinu lill-bastimenti jsibu r-rotta jew ikunu jafu fejn qegħdin;

v.

kull ħidma fil-baħar biex tappoġġja jew tħejji b’mod dirett kull attività deskritta fis-sotto-paragrafi i) sa iv);

vi.

l-użu ta’ kwalunkwe vettura oħra, ta’ l-ajru jew tal-baħar, għal kull attività deskritta fis-sotto-paragrafi i) sa v) ħlief f’każ ta’ emerġenzi li jolqtu s-saħħa u s-sigurtà ta’ l-ekwipaġġ jew is-sigurtà ta’ bastiment;

(h)

“vjaġġ tas-sajd” tfisser kull bastiment użat jew maħsub biex jintuża għal skopijiet ta’ sajd, inkluż bastimenti ta’ appoġġ, bastimenti tat-trasport, u kwalunkwe bastiment ieħor involut direttament f’operazzjonijiet ta’ sajd bħal dawn;

(i)

“operatur” tfisser kwalunkwe persuna li tkun inkarigata jew responsabbli mit-tħaddim, mid-direzzjoni jew mill-kontroll ta’ bastiment tas-sajd, inkluż is-sid, il-kerrej jew il-kaptan;

(j)

“trasbord” tfisser il-ħatt tal-ħut, kollu jew parti minnu, minn fuq bastiment tas-sajd għal fuq bastiment tas-sajd ieħor kemm jekk fuq il-baħar u kemm jekk ġewwa l-port;

Artikolu 3

Il-prinċipji u l-għanijiet imsemmija fl-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim

1.   Il-Partijiet hawnhekk jintrabtu li jinkoraġġixxu sajd responsabbli, fiż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon, ibbażat fuq il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ diskriminazzjoni bejn il-flotot differenti li jistadu fiż-żona, mingħajr preġudizzju għal ftehim konkluż bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw f’reġjun ġeografiku, inklużi ftehim reċiproku dwar is-sajd.

2.   Il-Partijiet għandhom jikkoperaw bl-għan li jiddefinixxu u jimplimentaw politika settorjali dwar l-industrija tas-sajd fiż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomonu u għal dak il-għan għandhom jagħtu bidu għal djalogu dwar politika għar-riformi meħtieġa. Hawnhekk qed jintrabtu li ma jadottawx miżuri f’dan il-qasam mingħajr ma’ l-ewwel jikkonsultaw lil xulxin.

3.   Il-Partijiet għandhom ukoll jikkoperaw fit-twettiq ta’ valutazzjonijiet ex-ante, li jkunu għaddejjin u ex-post, kemm b’mod konġunt kif ukoll b’mod unilaterali, tal-miżuri, tal-programmi u ta’ l-azzjonijiet li jiġu implimentati skond dan il-Ftehim.

4.   Il-Partijiet hawnhekk jintrabtu li jassiguraw li dan il-Ftehim jiġi implimentat skond il-prinċipji ta’ gvern soċjali u ekonomiku tajjeb.

5.   L-impjiegi tal-baħrin mill-Gżejjer Solomon abbord il-bastimenti tal-Komunità għandhom ikunu rregolati mid-Dikjarazzjoni ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq il-Post tax-Xogħol, li għandhom japplikaw bi dritt għall-kuntratti korrispondenti u għat-termini ġenerali ta’ l-impjiegi. Din tirreferi b’mod partikolari għal-libertà ta’ assoċjazzjoni u għar-rikonoxximent effettiv tad-dritt għan-negozjar kollettiv, u għat-tneħħija ta’ kull xorta ta’ diskriminizzjoni fejn għandhom x’jaqsmu l-impjiegi u xogħol.

Artikolu 4

Il-koperazzjoni xjentifika

1.   Matul il-perjodu kopert minn dan il-Ftehim, il-Komunità u l-Gżejjer Solomon għandhom jimmonitorjaw l-istat tar-riżorsi fiż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon; għal dan il-għan għandha issir laqgħa xjentifika konġunta kull meta jkun meħtieġ, darba fil-Komunità u d-darba ta’ wara fil-Gżejjer Solomon.

2.   Il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin fi ħdan il-Kumitat Konġunt ipprovdut fl-Artikolu 9 u, fejn ikun meħtieġ u bi ftehim reċiproku, jieħdu miżuri biex jassiguraw l-amministrazzjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd, fuq il-bażi tal-konklużjonijiet milħuqa fil-laqgħa xjentifika u ta’ l-aqwa pariri xjentifiċi disponibbli.

3.   Il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin, jew b’mod dirett jew fi ħdan l-organizzazzjonijiet internazzjonali konċernati, biex jassiguraw l-amministrazzjoni u l-konservazzjoni ta’ riżorsi ħajjin fil-Punent u fiċ-Ċentru tal-Paċifiku, u biex jikkoperaw fir-riċerka xjentifika rilevanti.

Artikolu 5

L-aċċess mill-bastimenti tal-Komunità għall-meded tal-baħar fejn jinqabad il-ħut għall-kummerċ fiż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon

1.   Il-Gżejjer Solomon hawnhekk jintrabtu li jawtorizzaw lill-bastimenti tal-Komunità li jaqbdu attivitajiet ta’ sajd fiż-żona tas-sajd tagħhom skond dan il-Ftehim, inkluż il-Protokoll u l-Anness tiegħu.

2.   L-attivitajiet tas-sajd irregolati b’dan il-Ftehim għandhom ikunu suġġetti għal-liġijiet u għar-regolamenti tal-Gżejjer Solomon. Il-Gżejjer Solomon għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’kull emenda f’dawn il-liġijiet u r-regolamenti fi żmien sitt xhur u xahar rispettivament qabel ma jiġu applikati.

3.   Il-Gżejjer Solomon għandhom jassumu r-responsabbiltà għall-implimentazzjoni effettiva tad-disposizzjonijiet li jirrigwardaw il-kontroll ta’ l-industrija tas-sajd fil-Protokoll. Il-bastimenti tal-Komunità għandhom jikkoperaw ma’ l-awtoritajiet tal-Gżejjer Solomon fit-twettiq ta’ dan il-kontroll. Il-passi meħuda mill-Gżejjer Solomon biex ikun irregolat is-sajd fl-interess tal-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi u xjentifiċi. Għandhom japplikaw mingħajr diskriminazzjoni kemm għall-bastimenti tal-Komunità u tal-Gżejjer Solomon, kif ukoll għall-bastimenti barranin, mingħajr preġudizzju għall-ftehim konkluż bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw f’reġjun ġeografiku wieħed, inkluż ftehim reċiproku dwar is-sajd.

4.   Il-Komunità għandha tieħu l-miżuri xierqa kollha li jkunu meħtieġa biex ikun assigurat li l-bastimenti tagħha jkunu konformi ma’ dan il-Ftehim u mal-leġislazzjoni u mar-regolamenti li jirregolaw il-meded tal-baħar fejn jinqabd il-ħut għall-kummerċ fiż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon.

Artikolu 6

Il-liċenzji

Il-proċedura biex tinkiseb liċenzja tas-sajd għal bastiment, il-ħlasijiet applikabbli u l-mod ta’ kif isir il-ħlas mis-sidien tal-vapuri għandhom ikunu kif stabbilit fl-Anness tal-Protokoll.

Artikolu 7

Il-kontribuzzjoni finanzjarja

1.   Il-Komunità għandha tagħti lill-Gżejjer Solomon kontribuzzjoni finanzjarja unika skond it-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Protokoll u fl-Annessi. Din il-kontribuzzjoni għandha tkun ikkalkulata fuq il-bażi ta’ żewġ elementi relatati, li huma:

(a)

L-aċċess mill-bastimenti tal-Komunità għaż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon, u

(b)

Is-sostenn finanzjarju tal-Komunità għat-titjib tas-sajd responsabbli u l-utilizzazzjoni sostenibbli tar-riżorsi ta’ l-industrija tas-sajd fiż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon.

Il-parti tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija f’punt (b) tal-paragrafu 1 għandha tkun iffissata u amministrata fid-dawl ta’ l-għanijiet identifikati bi ftehim komuni bejn il-Partijiet skond il-Protokoll, li jinkiseb fil-kuntest tal-politika settorjali dwar l-industrija tas-sajd fil-Gżejjer Solomon u skond programm ta’ implimentazzjoni annwali u għal bosta snin.

2.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja mogħtija mill-Komunità għandha titħallas kull sena skond il-Protokoll u mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim u tal-Protokoll tiegħu dwar kwalunkwe bidla fl-ammont tal-kontribuzzjoni bħala riżultat ta’:

(a)

ċirkustanzi serji, li m’humiex fenomeni naturali, li ma jħallux li jsiru attivitajiet ta’ sajd fiż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon (skond l-Artikolu 14 tal-Ftehim);

(b)

tnaqqis fl-opportunitajiet tas-sajd mogħtija lill-bastimenti tal-Komunità, magħmul bi ftehim reċiproku bejn il-Partijiet sabiex jiġu amministrati l-ħażniet konċernati, fejn dan jitqies meħtieġ għall-konservazzjoni u għall-utilizzazzjoni sostenibbli tar-riżorsi fuq il-bażi ta’ l-aqwa parir xjentifiku disponibbli (skond l-Artikolu 4 tal-Protokoll);

(ċ)

żjieda fl-opportunitajiet tas-sajd mogħtija lill-bastimenti tal-Komunità, magħmula bi ftehim reċiproku bejn il-Partijiet fejn l-aqwa parir xjentifiku disponibbli jkun jaqbel li l-qagħda tar-riżorsi tippermetti dan (skond l-Artikoli 1 u 4 tal-Protokoll);

(d)

valutazzjoni mill-ġdid tat-termini ta’ l-appoġġ finanzjarju tal-Komunità għall-implimentazzjoni ta’ politika settorjali dwar l-industrija tas-sajd fil-Gżejjer Solomon (skond l-Artikolu 5 tal-Protokoll), fejn din tkun iġġustifikata mir-riżultati ta’ l-ipprogrammar annwali u dak tul bosta snin osservat miż-żewġ Partijiet;

(e)

it-tmiem ta’ dan il-Ftehim skond l-Artikolu 12;

(f)

is-sospensjoni ta’ l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim taħt l-Artikolu 13.

Artikolu 8

L-inkoraġġiment tal-koperazzjoni fost l-operaturi ekonomiċi u fis-soċjetà ċivili

1.   Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu l-koperazzjoni ekonomika, kummerċjali xjentifika u teknika fis-settur ta’ l-industrija tas-sajd u fis-setturi relatati. Huma għandhom jikkonsultaw lil xulxin bl-għan li jikkoordinaw il-miżuri differenti li għandhom mnejn jittieħdu għal dan l-iskop.

2.   Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu l-iskambju ta’ l-informazzjoni dwar it-teknika u l-apparat tas-sajd, il-metodi ta’ preservazzjoni u l-ipproċessar industrijali tal-prodotti ta’ l-industrija tas-sajd.

3.   Il-Partijiet għandhom ifittxu li joħolqu kundizzjonijiet favorevoli għall-promozzjoni ta’ relazzjonijiet bejn l-intrapriżi mill-Partijiet fl-isferi tekniċi, ekonomiċi u kummerċjali, billi jinkoraġġixxu t-twaqqif ta’ ambjent favorevoli għall-iżvilupp tan-negozju u l-investiment.

4.   Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu, b’mod partikolari, it-twaqqif ta’ intrapriżi konġunti fl-interess ta’ xulxin. Il-ħolqien ta’ intrapriżi konġunti fil-Gżejjer Solomon u t-trasferiment tal-bastimenti tal-Komunità lill-intrapriżi konġunti għandhom ikunu konformi, b’mod sistematiku, mal-leġislazzjoni tal-Gżejjer Solomon u tal-Komunità.

Artikolu 9

Il-Kumitat Konġunt

1.   Għandu jitwaqqaf Kumitat Konġunt biex jimmonitorja l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim. Il-Kumitat konġunt għandu jwettaq l-operazzjonijiet li ġejjin:

(a)

jimmonitorja l-ħidma, l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Ftehim u, b’mod partikolari, id-definizzjoni ta’ l-ipprogrammar annwali u dak tul bosta snin imsemmi fl-Artikolu 5(2) tal-Protokoll u l-valutazzjoni ta’ l-implimentazzjoni tiegħu;

(b)

jipprovdi l-komunikazzjoni u l-koperazzjoni meħtieġa għall-kwistjonijiet ta’ interess reċiproku relatati ma’ l-industrija tas-sajd;

(ċ)

jagħmilha ta’ forum biex jintlaħaq ftehim ta’ ħbieb għal kull tilwima li għandha x’taqsam ma’ l-interpretazzjoni jew l-implimentazzjoni tal-Ftehim;

(d)

jivvaluta mill-ġdid, fejn meħtieġ, il-livell ta’ opportunitajiet tas-sajd u, b’hekk, il-kontribuzzjoni finanzjarja. Il-konsultazzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 1,2, u 3 tal-Protokoll;

(e)

kwalunkwe funzjoni oħra li l-Partijiet jiddeċiedu fuqha bi ftehim reċiproku.

2.   Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa’ mill-anqas darba fis-sena, darba fil-Komunità u darba fil-Gżejjer Solomon, u għandu jkun ippresedut mill-Parti li tkun qiegħda tilqa’ għandha l-laqgħa. Għandu jagħmel laqgħa speċjali fuq talba ta’ xi waħda mill-Partijiet.

Artikolu 10

Iż-żona ġeografika li għaliha japplika l-Ftehim

Dan il-Ftehim għandu japplika, min-naħa l-waħda, għat-territorji fejn japplika t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak it-Trattat u, min-naħa l-oħra, għat-territorju tal-Gżejjer Solomon.

Artikolu 11

It-tul tal-Ftehim

Dan il-Ftehim għandu japplika għal tliet snin mid-data ta’ meta jidħol fis-seħħ; jiġġedded b’mod awtomatiku għal perjodi addizzjonali ta’ tliet snin, sakemm ma tingħatax notifika tat-tmiem tiegħu skond l-Artikolu 12.

Artikolu 12

It-tmiem

1.   Dan il-Ftehim jista’ jiġi mitmum minn xi waħda mill-Partijiet f’każ li jkun hemm ċirkustanzi serji bħad-degradazzjoni tal-ħażniet konċernati, l-iskoperta ta’ livell imnaqqas ta’ utilizzazzjoni ta’ l-opportunitajiet tas-sajd mogħtija lill-bastimenti tal-Komunità, jew in-nuqqas li jiġu mħarsa l-wegħdiet magħmulin mill-Partijiet fil-każ tal-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux iddikjarat u mhux irregolat.

2.   Il-Parti konċernata għandha tinnotifika bil-miktub lill-Parti l-oħra bl-intenzjoni tagħha li tirtira mill-Ftehim mill-anqas sitt xhur qabel ma jiskadi l-perjodu inizjali jew kull perjodu addizzjonali.

3.   Meta tintbagħat in-notifika msemmija fil-paragrafu ta’ qabel għandu jingħata bidu għal konsultazzjonijiet mill-Partijiet.

4.   Il-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 7 għas-sena li fiha jseħħ it-tmiem għandu jonqos b’mod proporzjonali u pro rata temporis.

5.   Qabel ma jiskadi l-perjodu ta’ validità ta’ kwalunkwe Protokoll ta’ dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom jibdew negozjati biex jiġi stabbilit permezz ta’ ftehim liema emendi jew żjidiet huma meħtieġa għal mal-Protokoll u l-Anness.

Artikolu 13

Is-sospensjoni u r-reviżjoni tal-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja

1.   L-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim tista’ tiġi sospiża fuq l-inizjattiva ta’ waħda mill-Partijiet f’każ ta’ nuqqas ta’ ftehim serju dwar l-implimentazzjoni tad-disposizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim jew fil-Protokoll u fl-Anness tiegħu. Din is-sospensjoni titlob li l-Parti konċernata tinnotifika l-intenzjoni tagħha bil-miktub mill-inqas tliet xhur qabel id-data li fiha mistennija tibda s-sospensjoni. Mal-wasla ta’ din in-notifika, il-Partijiet għandhom jagħtu bidu għal konsultazzjonijiet bl-għan li jirriżolvu d-differenzi tagħhom bi ħbiberija.

2.   Il-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmi fl-Artikolu 7 għandu jonqos b’mod proporzjonali u pro rata temporis, skond kemm idum is-sospensjoni.

Artikolu 14

Is-sospensjoni minħabba force majeur

1.   Fejn ċirkustanzi serji, li m’humiex fenomeni naturali, ma jħallux li jsiru attivitajiet ta’ sajd fiż-żona ekonomika esklussiva (EEZ) tal-Gżejjer Solomon, il-Komunità Ewropea tista’ tissospendi l-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja pprovdut fl-Artikolu 2 tal-Protokoll, wara li jkunu saru konsultazzjonijiet bejn iż-żewġ partijiet fejn hu possibbli, u bil-kondizzjoni li l-Komunità tkun ħallset b’mod sħiħ l-ammonti kollha dovuti fil-mument tas-sospensjoni.

2.   Il-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja għandu jerġa’ jibda hekk kif il-partijiet jaraw, bi ftehim reċiproku wara li jkunu saru l-konsultazzjonijiet, li ċ-ċirkustanzi li ma kinux jippermettu li jsiru l-attivitajiet tas-sajd m’għadhomx jeżistu u li s-sitwazzjoni tippermetti li jerġgħu jibdew l-attivitajiet tas-sajd. Dan il-ħlas għandu jsir fi żmien xahrejn wara li tkun saret il-konferma min-naħa taż-żewġ partijiet.

3.   Il-validità tal-liċenzji mogħtija lill-bastimenti tal-Komunità taħt l-Artikolu 6 tal-Ftehim u l-Artikolu 1 tal-Protokoll għandha tiġi estiża b’perjodu li jkun daqs dak li matulu kienu sospiżi l-attivitajiet tas-sajd.

Artikolu 15

Il-Protokoll u l-Anness għandhom jifformaw parti integrali minn dan il-Ftehim.

Artikolu 16

Dan il-Ftehim, imfassal f'duplikat bid-Daniż, bl-Olandiż, bl-Ingliż, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bit-Taljan, bil-Portugiż, bl-Ispanjol u bl-Iżvediż, kull wieħed mit-testi jkun awtentiku bl-istess mod, għandu jidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin li l-proċeduri ta’ adozzjoni tagħhom ġew ikkompletati.

PROTOKOLL

li jistabbilixxi l-opportunitajiet għas-sajd u l-pagamenti provduti fil-Ftehim ta’ sħubija bejn il-Komunità Ewropea u l-Gżejjer Solomon dwar is-sajd ’il barra mill-kosti tal-Gżejjer Solomon

Artikolu 1

Il-perjodu ta’ l-applikazzjoni u l-possibbiltajiet tas-sajd

1.   Il-Gżejjer Solomon għandhom joħorġu liċenzji tas-sajd annwali lill-bastimenti tal-Komunità li jistadu għat-tonn skond l-Artikolu 6 tal-Ftehim, konformi mal-Pjan Nazzjonali għall-Amministrazzjoni tat-Tonn u fil-limiti taż-żmien stabbiliti bl-Arranġament ta’ Palau għall-Amministrazzjoni ta’ l-Industrija tas-Sajd bit-Tartarun Forma ta’ Xkora fil-Punent tal-Paċifiku, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “l-Arranġament ta’ Palau”.

2.   Għal perjodu ta’ tliet snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Protokoll, l-opportunitajiet tas-sajd previsti fl-Artikolu 5 tal-Ftehim għandhom ikunu kif ġej:

Għandhom jingħataw liċenzji annwali lil 4 bastimenti li jistadu bit-tartarun forma ta’ xkora u lil 10 bastimenti li jistadu bil-lenza twila biex ikunu jistgħu jistadu fl-istess waqt ġewwa ż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon.

3.   Mal-bidu tat-tieni sena mill-applikazzjoni tal-Protokoll u mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 9(d) tal-Ftehim u 4 tal-Protokoll, fuq talba tal-Komunità, in-numru ta’ liċenzji tas-sajd, għall-bastimenti bit-tartarun forma ta’ xkora, mogħti fl-Artikolu 1(2) tal-Protokoll jista’ jiżdied, jekk jippermettu r-riżorsi u skond il-limitazzjonijiet annwali ta’ l-Arranġament ta’ Palau u b’valutazzjoni xierqa tal-ħażna tat-tonn ibbażata fuq kriterji oġġettivi u xjentifiċi, inkluża d-“Deskrizzjoni u l-Istat tal-Ħażniet ta’ l-Industrija tas-Sajd tat-Tonn fil-Paċifiku tal-Punent u taċ-Ċentru” (Western and Central Pacific Tuna Fishery Overview and Status of Stocks) ippubblikat kull sena mis-Segretarjat tal-Komunità tal-Paċifiku.

4.   Il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom japplikaw bla ħsara għall-Artikoli 4, 6,7 u ta’ dan il-Protokoll.

Artikolu 2

Il-kontribuzzjoni finanzjarja – Il-metodi tal-ħlas

1.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja unika msemmija fl-Artikolu 7 tal-Ftehim għandha tkun ta’ EUR 400 000 għal kull sena.

2.   Il-Paragrafu 1 għandu japplika bla ħsara għall-Artikolu 4 ta’ dan il-Protokoll u għall-Artikoli 13 u 14 tal-Ftehim.

3.   Jekk il-kwantità totali tal-qabdiet tat-tonn kull sena mill-bastimenti tal-Komunità fiż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon teċċedi s-6 000 tunnellata, il-kontribuzzjoni finanzjarja totali annwali għandha tiżdied b’EUR 65 għal kull tunnellata addizzjonali ta’ tonn maqbud. Madankollu, l-ammont totali annwali li jrid jitħallas mill-Komunità ma jistax jeċċedi tliet darbiet il-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fil-paragrafu 1.

4.   Għal kull liċenzja għas-sajd bit-tartarun forma ta’ xkora mogħtija mill-Gżejjer Solomon skond l-Artikolu 1.3, il-Komunità għandha żżid il-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 2(1) ta’ dan il-Protokoll b’EUR 65 000 għal kull sena.

5.   Il-ħlas għandu jsir mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju fl-ewwel sena u mhux aktar tard mid-data ta’ l-anniversarju tal-Protokoll fis-snin ta’ wara.

6.   Bla ħsara għall-Artikolu 5, il-Gżejjer Solomon għandhom ikollhom diskrezzjoni sħiħa dwar l-użu jsir minn din il-kontribuzzjoni finanzjarja.

7.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja għandha tiġi ddepożitata fil-Kont tad-Dħul tal-Gvern miftuħ ma’ istituzzjoni finanzjarja speċifikata mill-Gżejjer Solomon. Dan il-kont huwa l-Kont tad-Dħul tal-Gvern tal-Gżejjer Solomon Nru 0260-002 mal-Bank Ċentrali tal-Gżejjer Solomon, Honiara. Il-kontribuzzjoni finanzjarja annwali li trid titħallas mill-Komunità għall-għoti ta’ liċenzji addizzjonali annwali skond l-Artikoli 1(3) u 2(4) għandhom jiġu ddepożitati fil-kont.

Artikolu 3

Il-koperazzjoni dwar sajd responsabbli

1.   Iż-żewġ partijiet b’dan jintrabtu li jinkoraġġixxu s-sajd responsabbli fiż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon ibbażat fuq il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ diskriminazzjoni bejn il-flotot differenti li jistadu f’dawk l-ilmijiet.

2.   Matul il-perjodu kopert minn dan il-Protokoll, il-Komunità u l-Gżejjer Solomon għandhom jimmonitorjaw l-istat u s-sostenibbiltà tar-riżorsi fiż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon.

3.   Ibbażati fuq il-konklużjonijiet tal-laqgħa annwali tal-membri ta’ l-“Arranġament ta’ Palau” u fuq il-valutazzjoni annwali tal-ħażniet magħmula mis-Segretarjat tal-Komunità tal-Paċifiku, iż-żewġ partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin fi ħdan il-Kumitat Konġunt ipprovdut fl-Artikolu 9 tal-Ftehim u, fejn meħtieġ u bi ftehim reċiproku, jieħdu miżuri biex jassiguraw l-amministrazzjoni sostenibbli tar-riżorsi ta’ l-industrija tas-sajd.

Artikolu 4

Ir-reviżjoni ta’ l-opportunitajiet tas-sajd

1.   L-opportunitajiet tas-sajd imsemmija fl-Artikolu 1 jistgħu jiżdiedu bi ftehim reċiproku sakemm il-konklużjonijiet tal-laqgħa annwali tal-membri ta’ l-“Aranġament ta’ Palau” u r-reviżjoni annwali tal-ħażniet magħmula mis-Segretarjat tal-Komunità tal-Paċifiku tikkonferma li din iż-żjieda ma tqiegħedx fil-periklu lill-amministrazzjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-Gżejjer Solomon. F’dan il-każ il-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 2(1) għandha tiżdied b’mod proporzjonali u pro rata temporis.

2.   Min-naħa l-oħra, jekk il-partijiet jaqblu li jadottaw miżuri li jirriżultaw fi tnaqqis fl-opportunitajiet tas-sajd ipprovduti fl-Artikolu 1, il-kontribuzzjoni finanzjarja titnaqqas b’mod proporzjonali u pro rata temporis.

3.   L-allokazzjoni ta’ l-opportunitajiet tas-sajd fost kategoriji differenti ta’ bastimenti tista’ ukoll tiġi riveduta bi ftehim reċiproku bejn il-partijiet, bil-kondizzjoni li kwalunkwe bidla tkun konformi ma’ kwalunkwe rakkomandazzjoni magħmula mil-laqgħa xjentifika dwar l-amministrazzjoni ta’ ħażniet li jistgħu jiġu affettwati b’dan it-taqsim ġdid mod ieħor. Il-partijiet għandhom jaqblu dwar l-aġġustament korrispondenti tal-kontribuzzjoni finanzjarja fejn it-taqsim ġdid mod ieħor ta’ l-opportunitajiet tas-sajd jitlob dan.

Artikolu 5

L-appoġġ għat-titjib ta’ sajd responsabbli fl-ilmijiet territorjali tal-Gżejjer Solomon

1.   Il-Gżejjer Solomon għandhom jiddefinixxu u jimplimentaw politika settorjali għall-industrija tas-sajd fil-Gżejjer Solomon sabiex jittejjeb is-sajd responsabbli fl-ilmijiet territorjali tagħhom. Għal dawn l-għanijiet għandu jintuża sehem ta’ 30 % tal-kontribuzzjoni finanzjarja unika msemmija fl-Artikolu 2(1) ta’ dan il-Protokoll. Din il-kontribuzzjoni għandha tkun amministrata fid-dawl ta’ l-għanijiet identifikati bi ftehim reċiproku bejn iż-żewġ partijiet, u l-ipprogrammar annwali u dak tul bosta snin meħtieġ biex dawn jinkisbu.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, hekk kif dan il-Protokoll jidħol fis-seħħ u mhux aktar tard minn tliet xhur wara dik id-data, il-Komunità u l-Gżejjer Solomon għandhom jaqblu, fi ħdan il-Kumitat Konġunt ipprovdut fl-Artikolu 9 tal-Ftehim, fuq programm settorjali għal diversi snin u regoli dettaljati dwar l-implimentazzjoni li jkopru, b’mod partikolari:

(a)

linji ta’ gwida annwali u għal bosta snin dwar l-użu tal-persentaġġ tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmi fil-paragrafu;

(b)

l-għanijiet, kemm dawk annwali kif ukoll dawk għal bosta snin, li jridu jinkisbu sabiex ikun introdott, biż-żmien, sajd responsabbli u industrija tas-sajd sostenibbli, filwaqt li jitqiesu l-prijoritajiet murija mill-Gżejjer Solomon fil-politika nazzjonali tagħha dwar l-industrija tas-sajd u politika oħra li dwar jew li għandha impatt fuq it-titjib tas-sajd responsabbli u l-industrija tas-sajd sostenibbli;

(ċ)

il-kriterji u l-proċeduri biex ikunu vvalutati r-riżultati miksubin kull sena.

3.   Kwalunkwe emenda proposta għall-programm settorjali għal bosta snin jridu jiġu approvati miż-żewġ partijiet fi ħdan il-Kumitat Konġunt.

4.   Kull sena, il-Gżejjer Solomon għandhom iqassmu l-persentaġġ tal-kontribuzzjoni finanzjarja unika msemmija fil-paragrafu 1 biex ikun implimentat il-programm għal bosta snin. Għall-ewwel sena ta’ l-applikazzjoni tal-Protokoll, dik l-allokazzjoni trid tkun innotifikata lill-Komunità fil-mument li fih ikun approvat il-programm settorjali għal bosta snin fi ħdan il-Kumitat Konġunt. Għal kull sena, minn hemm ’il quddiem, il-Gżejjer Solomon għandhom jinnotifikaw bl-allokazzjoni lill-Komunità mhux aktar minn 45 ġurnata qabel id-data ta’ l-anniversarju ta’ dan il-Protokoll.

5.   Is-sehem tal-kontribuzzjoni finanzjarja unika (30 %) provdut fil-paragrafu (1) għandu jkun ikkontrollat b’mod konġunt mid-Dipartiment ta’ l-Industrija tas-Sajd u tar-Riżorsi tal-Baħar u mid-Dipartiment tal-Finanzi u tat-Teżor.

6.   Fejn il-valutazzjoni annwali tal-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-programm settorjali għal bosta snin jitlob dan, il-Komunità Ewropea tista’ titlob li jitnaqqas is-sehem tal-kontribuzzjoni finanzjarja unika msemmija fl-Artikolu 5(1) ta’ dan il-Protokoll sabiex l-ammont attwali tar-riżorsi finanzjarji mqassma għall-implimentazzjoni tal-programm jinġiebu konformi mar-riżultati tiegħu.

Artikolu 6

L-argumenti – Is-sospensjoni ta’ l-implimentazzjoni tal-Protokoll

1.   Kwalunkwe argument bejn il-partijiet dwar l-interpretazzjoni ta’ dan il-Protokoll jew l-applikazzjoni tiegħu għandha tkun is-suġġett ta’ konsultazzjonijiet bejn il-partijiet fi ħdan il-Kumitat Konġunt ipprovdut fl-Artikolu 9 tal-Ftehim, jekk ikun meħtieġ f’laqgħa speċjali.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, l-implimentazzjoni tal-Protokoll tista’ tiġi sospiża fuq l-inizjattiva ta’ parti waħda jekk l-argument bejn il-partijiet jitqies bħala wieħed serju u jekk il-konsultazzjonijiet li jkunu nżammu fi ħdan il-Kumitat Konġunt skond il-paragrafu 1 ma jkunux waslu għal ftehim bi ħbiberija.

3.   Is-sospensjoni ta’ l-implimentazzjoni tal-Protokoll għandha teħtieġ li l-parti interessata tinnotifika l-intenzjoni tagħha bil-miktub mill-anqas tliet xhur qabel id-data li fiha għandha sseħħ is-sospensjoni.

4.   Fil-każ ta’ sospensjoni, il-partijiet għandhom ikomplu jikkonsultaw lil xulxin bl-għan li jilħqu ftehim bi ħbiberija dwar l-argument. Fejn dan il-ftehim jintlaħaq, għandha terġa’ tibda l-implimentazzjoni tal-Protokoll u l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja għandha titnaqqas b’mod proporzjonali u pro rata temporis skond il-perjodu li fih kienet sospiża l-applikazzjoni tal-Protokoll.

Artikolu 7

Is-sospensjoni ta’ l-implimentazzjoni tal-Protokoll minħabba nuqqas ta’ pagamenti

1. Bla ħsara għall-Artikolu 9 tal-Ftehim, jekk il-Komunità ma tagħmilx il-pagamenti provduti fl-Artikolu 2 tal-Protokoll, l-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll tista’ tiġi sospiża skond it-termini li ġejjin:

(a)

L-awtoritajiet kompetenti tal-Gżejjer Solomon għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea bin-nuqqas ta’ pagamenti. Din ta’ l-aħħar għandha tagħmel il-verifiki meħtieġa u, fejn ikun meħtieġ, tittrasmetti l-pagament fi żmien mhux aktar tard minn 45 ġurnata ta’ xogħol mid-data ta’ meta tkun waslet in-notifika;

(b)

Jekk ma jsirx il-pagament u n-nuqqas ta’ pagament ma jkunx iġġustifikat b’mod xieraq fil-perjodu provdut f’punt (a) t’hawn fuq, il-Gżejjer Solomon ikollhom id-dritt li jissospendu l-implimentazzjoni tal-Protokoll. Għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni Ewropea b’din l-azzjoni;

(ċ)

L-implimentazzjoni tal-Protokoll għandha terġa’ tibda hekk kif isir l-pagament konċernat;

Artikolu 8

Il-liġi u Regolamenti Nazzjonali

L-attivitajiet tal-bastimenti li jaħdmu taħt dan il-Protokoll u l-Annessi tagħhom, b’mod partikolari t-trasbord, l-użu ta’ servizzi fil-portijiet u x-xiri ta’ provvisti għandhom ikunu rregolati mil-liġijiet u mir-regolamenti nazzjonali applikabbli fil-Gżejjer Solomon.

Artikolu 9

Id-dħul fis-seħħ

1.   Dan il-Protokoll flimkien ma’ l-Anness tiegħu għandu jidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-partijiet jinnotifikaw lil xulxin li jkunu kkompletaw il-proċeduri meħtieġa għal dak l-għan.

2.   M’għandux jibda japplika qabel l-1 ta’ Jannar 2005.

ANNESS

Il-kundizzjonijiet li Jirregolaw L-Attivitajiet tas-sajd mill-bastimenti tal-Komunità fiż-żOna tas-sajd tal-Gżejjer Solomon

KAPITOLU I

IL-FORMALITJIET GĦALL-APPLIKAZZJONI U L-ĦRUĠ TAL-LIĊENZJI

TAQSIMA 1

Il-ħruġ tal-liċenzji

1.   Bastimenti li jkunu eliġibbli biss jistgħu jiksbu liċenzja għas-sajd fiż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon.

2.   Sabiex bastiment ikun eliġibbli, la s-sid, la l-kaptan u lanqas il-bastiment innifsu m’għandhom ikunu pprojbiti milli jistadu fil-Gżejjer Solomon. Irid ikollhom kollox kif għandu jkun mal-Gvern tant li jkunu ssodisfaw minn qabel l-obbligi kollha li għandhom x’jaqsmu ma’ l-attivitajiet tas-sajd tagħhom fil-Gżejjer Solomon taħt il-ftehim dwar is-sajd konkluż mal-Komunità.

3.   Il-bastimenti kollha tal-Komunità li japplikaw għal liċenzja tas-sajd iridu jkunu rrappreżentati minn aġent li jkun residenti fil-Gżejjer Solomon. L-isem u l-indirizz ta’ dak l-aġent iridu jkunu ddikjarati fl-applikazzjoni.

4.   L-awtoritajiet rilevanti tal-Komunità għandhom jippreżentaw lis-Segretarju Permanenti tad-Dipartiment ta’ l-Industrija tas-Sajd u tar-Riżorsi tal-Baħar tal-Gżejjer Solomon (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “is-Segretarju Permanenti”), permezz tad-Delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli mill-Gżejjer Solomon (minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Delegazzjoni tal-Kummissjoni” jew “id-Delegazzjoni”), applikazzjoni għal kull bastiment li jkun jixtieq jistad taħt il-Ftehim mill-anqas 15-il ġurnata qabel il-bidu tal-perjodu ta’ validità mitlub.

5.   L-applikazzjonijiet għandhom jitressqu quddiem is-Segretarju Permanenti fuq formola mimlija skond il-kampjun muri fl-Appendiċi 1.

6.   L-applikazzjonijiet kollha għal-liċenzji għandu jkollhom magħhom dawn id-dokumenti li ġejjin:

evidenza li jkun sar il-ħlas għall-perjodu ta’ validità tal-liċenzja,

kopja taċ-ċertifikat li juri t-tunnellaġġ, iċċertifikata mill-Istat Membru tal-bandiera li jkun itella’ l-bastiment, u li turi t-tunnellaġġ tal-bastiment espress f’GRT,

ritratt reċenti bil-kulur, ta’ mill-anqas ta’ 15 ċm × 10 ċm, li juri l-bastiment mill-ġenb fl-istat attwali tiegħu,

kwalunkwe dokument jew ċertifikat ieħor meħtieġ taħt ir-regoli speċifiċi applikabbli għat-tip ta’ bastiment konċernat skond dan il-Protokoll.

7.   Il-ħlas għandu jiġi ddepożitat fil-kont speċifikat mis-Segretarju Permanenti (il-Kont tad-Dħul tal-Gvern Nru 0260-002 mal-Bank Ċentrali tal-Gżejjer Solomon, Honiara).

8.   Il-ħlasijiet għandhom jinkludu l-ispejjeż nazzjonali u lokali kollha ħlief għat-taxxi tal-port, ħlasijiet għal servizzi u ħlasijiet tat-trasbord.

9.   Il-liċenzji għal bastimenti kollha għandhom jinħarġu lis-sidien tal-bastimenti jew lill-aġenti tagħhom permezz tad-Delegazzjoni tal-Kummissjoni fi 15-il ġurnata mill-wasla tad-dokumenti kollha msemmija fil-punt 6 għand is-Segretarju Permanenti.

10.   Jekk liċenzja tkun iffirmata meta l-uffiċċji tad-Delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea jkunu magħluqin, għandha tintbagħat direttament lill-aġent tal-bastiment – u għandha tintbagħat kopja lid-Delegazzjoni.

11.   Il-liċenzji għandhom jinħarġu għal bastiment speċifiku u għalhekk m’għandhomx ikunu trasferibbli.

12.   Fuq it-talba tal-Komunità Ewropea u fejn ikun hemm prova ta’ force majeure, liċenzja ta’ bastiment għandha tinbidel b’liċenzja ġdida għal bastiment ieħor li jkollu l-istess karatteristiċi bħal dawk ta’ l-ewwel bastiment, mingħajr ma jinħarġu aktar ħlasijiet. Jekk it-tunnellaġġ gross irreġistrat (GRT) tal-bastiment il-ġdid ikun ogħla minn dak tal-bastiment li jkun se jiġi ssostitwit, id-differenza fil-ħlas għandha titħallas pro rata temporis. Il-qabda totali taż-żewġ bastimenti konċernati tittieħed f’kunsiderazzjoni meta jitqies il-livell tal-qabdiet mill-bastimenti tal-Komunità biex ikun iddeterminat jekk hemmx bżonn isir kwalunkwe pagament addizzjonali mill-Komunità skond l-Artikolu 2(3) tal-Protokoll.

13.   Is-sid ta’ l-ewwel bastiment, jew l-aġent, għandhom jibagħtu lura l-liċenzja mħassra lis-Segretarju Permanenti, permezz tad-Delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea.

14.   Il-liċenzja l-ġdida tidħol fis-seħħ dak inhar li s-sid tal-bastiment jirritorna l-liċenzja mħassra lis-Segretarju Permanenti. Id-Delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea fil-Gżejjer Solomon għandha tiġi informata bit-trasferiment tal-liċenzja.

15.   Il-liċenzja għandha tinżamm abbord f’kull ħin, mingħajr preġudizzju għall-punt 2 tal-Kapitolu VII ta’ dan l-Anness.

TAQSIMA 2

Il-kundizzjonijiet għal-liċenzja – il-ħlasijiet u l-pagamenti bil-quddiem

1.   Il-liċenzji għandhom ikunu validi għal sena, u jistgħu jigġeddu. It-tiġdid tal-liċenzji għandu jkun suġġett għan-numru ta’ possibbiltajiet tas-sajd disponibbli hekk kif stabbilit mill-Protokoll.

2.   Il-ħlas għandu jkun ta’ EUR 35 għal kull tunnellata metrika maqbuda fiż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon.

3.   Il-liċenzji għandhom jinħarġu wara li l-ammonti fissi li ġejjin ikunu ġew iddepożitati fil-Kont tad-Dħul tal-Gvern Nru 0260-002 mal-Bank Ċentrali tal-Gżejjer Solomon, Honiara:

EUR 13 000 għal kull bastiment li jistad għat-tonn bit-tartarun, ekwivalenti għall-ħlasijiet dovuti għal 371 tunnellata metrika ta’ tonn u speċijiet jixbħu lit-tonn maqbudin kull sena;

EUR 3 000 għal kull bastiment bil-lenza twila fil-wiċċ, ekwivalenti għall-ħlasijiet dovuti għal 80 tunnellata metrika ta’ tonn u speċijiet li jixbhu lit-tonn maqbudin kull sena;

4.   Il-prospetti finali tal-ħlasijiet dovuti għas-sena tas-sajd għandhom jiġu kkompilati mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena għall-ammonti maqbuda matul is-sena ta’ qabel u fuq il-bażi tad-dikjarazzjonijiet dwar il-qabdiet magħmulin minn kull sid ta’ bastiment. Id-data għandha tkun ikkonfermata mill-istituti xjentifiċi responsabbli mill-verifikazzjoni tad-data dwar il-qabdiet tal-Komunità (l-Institut de Recherche pour le Développement (IRD), l-Instituto Español de Oceanografía (IEO) jew l-Instituto Português de Investigação Maritima (IPIMAR) u mis-Segretarjat tal-Komunità tal-Paċifiku (SPC). Fuq il-bażi ta’ dawk il-figuri kkonfermati dwar il-qabdiet, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi prospett tal- pagamenti dovuti għal kull perjodu ta’ liċenzja, ikkalkulati fuq il-bażi ta’ EUR 35 għal kull tunnellata maqbuda.

5.   Il-prospett tal-ħlas ikkompilat mill-Kummissjoni għandu jintbagħat lis-Segretarju Permanenti biex tiġi vverifikata u approvata.

Il-Gżejjer Solomon jistgħu jikkontestaw il-prospett tal-ħlas fi żmien 30 ġurnata mill-fattura tar-rendikont u, f’każ ta’ nuqqas ta’ ftehim, jitolbu li jiltaqa’ l-Kumitat Konġunt.

Jekk ma jkunx hemm oġġezzjonijiet fi żmien 30 ġurnata mill-fattura tal-prospett, il-prospett tal-ħlas jitqies bħala li kien aċċettat mill-Gżejjer Solomon.

6.   Il-prospett finali tal-ħlasijiet għandu jiġi nnotifikat fl-istess waqt mingħajr dewmien lis-Segretarju Permanenti, lid-Delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, lis-Segretarjat tal-Komunità tal-Paċifiku (SPC) u lis-sidien tal-vapuri permezz ta’ l-amministrazzjonijiet nazzjonali tagħhom.

7.   Kull pagament addizzjonali għandu jsir mis-sidien tal-vapuri lill-awtoritajiet kompetenti tal-Gżejjer Solomon fi żmien 45 ġurnata min-notifika tal-prospett finali kkonfermat fil-Kont tad-Dħul tal-Gvern tal-Gżejer Solomon Nru 0260-002 mal-Bank Ċentrali tal-Gżejjer Solomon, Honiara.

8.   Madankollu, jekk l-ammont tal-prospett finali jkun inqas mill-pagament bil-quddiem imsemmi fil-punt 3 ta’ din it-Taqsima, il-bilanċ li jibqa’ ma jingħatax lura lis-sid tal-vapur.

KAPITOLU II

IŻ-ŻONI TAS-SAJD

1.   Il-bastimenti msemmija fl-Artikolu 1 tal-Protokoll għandhom ikunu awtorizzati li jwettqu attivitajiet tas-sajd fiż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomn ħlief għal tletin (30) mil nawtiku madwar l-Arċipelagu tal-Grupp Ewlieni (Main Group Archipelago, MGA) u l-ilmijiet ta’ l-arċipelagu u territorjali ta’ l-arċipelagi l-oħrajn. Għandhom jiġu pprovduti l-koordinati ta’ l-ilmijiet A tal-MGA u tal-bqija ta’ l-Arċipelagi (jiġifieri l-Ilmijiet B, l-Ilmijiet Ċ, l-Ilmijiet D u l-Ilmijiet E) mis-Segretarju Permanenti qabel ma jidħol fis-seħħ il-Ftehim. Is-Segretarju Permanenti għandu jikkomunika lill-Kummissjoni Ewropea kwalunkwe modifikazzjoni fiż-żoni tas-sajd magħluqa msemmija, mill-inqas xagħrejn qabel l-applikazzjoni tagħhom.

2.   Ikun xi jkun il-każ, m’għandu jkun permess l-ebda sajd f’żona ta’ 3 mili nawtiċi minn kull apparat ankrat li jservi biex jiġbor il-ħut f’żona waħda li l-avviż ta’ fejn qiegħed irid jingħata permezz ta’ koordinati ġeografiċi.

KAPITOLU III

L-ARRANĠAMENTI DWAR IR-RAPPORTAR TAL-QABDIET

1.   Għall-finijiet ta’ dan l-Anness, kemm idum il-vjaġġ ta’ bastiment tal-Komunità għandu jkun iddefinit kif ġej:

jew iż-żmien li jgħaddi bejn id-dħul u l-ħruġ miż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon,

jew iż-żmien li jgħaddi bejn id-dħul fiż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon u meta jsir trasbord,

jew iż-żmien li jgħaddi bejn id-dħul fiż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon u l-iżbark fil-Gżejjer Solomon.

Il-bastimenti kollha li jkunu awtorizzati jistadu fl-ilmijiet territorjali tal-Gżejjer Solomon taħt il-Ftehim għandhom ikunu obbligati li jikkomunikaw il-qabdiet tagħhom lis-Segretarju Permanenti kif ġej:

2.1   Id-dikjarazzjonijiet għandhom jinkludu l-qabdiet li saru mill-bastiment matul kull vjaġġ. Għandhom jiġu trasmessi lis-Segretarju Permanenti permezz ta’ mezzi elettroniċi, b’kopja lill-Kummissjoni Ewropea, fit-tmiem ta’ kull vjaġġ u, fil-każijiet kollha, qabel ma l-bastiment iħalli ż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon. L-irċevuti elettroniċi għandhom jintbagħtu mill-ewwel lill-bastiment miż-żewġ destinatarji, b’kopja lill-ieħor.

2.2   L-oriġinal tad-dikjarazzjonijiet li jkunu ntbagħtu b’mod elettroniku matul il-perjodu ta’ validità annwali tal-liċenzja skond it-tifsira tal-punt 2.1 msemmi hawn fuq għandhom jiġu trasmessi b’mezz fiżiku lis-Segretarju Permanenti fi żmien ħamsa u erbgħin (45) ġurnata minn meta jkun intemm l-aħħar vjaġġ magħmul matul il-perjodu msemmi. Fl-istess waqt għandhom jintbagħtu kopji stampati lill-Komunità Ewropea.

2.3   Il-bastimenti għandhom jiddikjaraw il-qabdiet tagħhom fil-formola korrispondenti fil-ġurnal ta’ abbord, skond il-kampjun muri fl-Appendiċi 2. Il-kliem “Barra miż-Żona Ekonomika Esklussiva (EEZ) tal-Gżejjer Solomon” għandhom jitniżżlu fil-ġurnal ta’ abbord imsemmi hawn fuq għall-perjodi li matulhom il-bastiment ma jkunx fl-ilmijiet territorjali tal-Gżejjer Solomon.

2.4   Il-formoli għandhom jimtlew b’mod li jingħarfu u jridu jkunu ffirmati mill-kaptan tal-vapur.

3.   Fejn id-disposizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Kapitolu ma jiġux osservati, il-Gżejjer Solomon jirriservaw id-dritt li jissospendu l-liċenzja tal-bastiment li ma jkunx osserva dawn id-disposizzjonijiet sakemm jiġu kkompletati l-formalitajiet meħtieġa u sabiex tiġi applikata l-piena stabbilita skond il-leġislazzjoni applikabbli tal-Gżejjer Solomon. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tiġi informata b’dan.

KAPITOLU IV

IL-BAĦRIN LI JIMBARKAW

1.   Kull bastiment tal-Komunità Ewropea li jistad taħt il-Ftehim għandu jintrabat li jimpjega mill-inqas ċittadin wieħed (1) mill-Gżejjer Solomon bħala membru ta’ l-ekwipaġġ. Il-kundizzjonijiet tas-servizz għaċ-ċittadini tal-Gżejjer Solomon għandhom ikunu bħal dawk li huma standard fl-industrija tal-Gżejjer Solomon.

2.   F’każ li xi bastiment tal-Komunità Ewropea ma jistax jimpjega ċittadin wieħed (1) mill-Gżejjer Solomon bħala membru ta’ l-ekwipaġġ, is-sidien tal-vapuri għandhom ikunu obbligati jħallsu somma ta’ darba, ekwivalenti għall-pagi ta’ żewġ membri ta’ l-ekwipaġġ għal matul l-istaġun tas-sajd fiż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon.

3.   Is-somma msemmija hawn fuq għandha tiġi ddepożitata fil-Kont tad-Dħul tal-Gvern Nru 0260-002 mal-Bank Ċentrali tal-Gżejjer Solomon, Honiara.

4.   Is-sidien tal-vapuri għandhom ikunu ħielsa li jagħżlu l-baħrin għal fuq il-bastimenti tagħhom mill-ismijiet fuq lista mressqa mis-Segretarju Permanenti.

5.   Is-sid tal-vapur jew l-aġent għandhom jinformaw lis-Segretarju Permanenti bl-ismijiet tal-baħrin mill-Gżejjer Solomon li jkunu ttellgħu abbord il-bastiment konċernat, u jsemmu xi tkun il-kariga tagħhom fl-ekwipaġġ.

6.   Id-Dikjarazzjoni ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq il-Post tax-Xogħol għandha tapplika bi dritt għall-baħrin li jkunu ġew ingaġġati fuq il-bastimenti tal-Komunità Ewropea. Dan jirrigwarda b’mod partikolari l-libertà ta’ assoċjazzjoni u r-rikonoxximent effettiv tad-dritt għan-negozjar kollettiv, u t-tneħħija ta’ diskriminazzjoni fl-impjiegi u fix-xogħol.

7.   Il-kuntratti tax-xogħol tal-baħrin mill-Gżejjer Solomon, li kopja tagħhom tingħata lill-firmatarji, għandhom jitfasslu bejn l-aġent/i tas-sidien tal-vapuri u l-baħrin u/jew it-trejdunjons jew ir-rappreżentanti tagħhom b’konsultazzjoni mas-Segretarju Permanenti. Dawn il-kuntratti għandhom jiggarantixxu li l-baħrin ikunu koperti bis-sigurtà soċjali li tkun applikabbli għalihom, inkluża l-assigurazzjoni fuq il-ħajja u l-assigurazzjoni minħabba mard u aċċidenti.

8.   Il-pagi tal-baħrin mill-Gżejjer Solomon għandhom jitħallsu mis-sidien tal-vapuri. Għandhom jiġu ffissati, qabel ma jinħarġu l-liċenzji, bi ftehim reċiproku bejn is-sidien tal-vapuri jew l-aġenti tagħhom u s-Segretarju Permanenti. Madankollu, il-kundizzjonijiet tal-pagi li jingħataw lill-baħrin mill-Gżejjer Solomon m’għandhomx ikunu inqas minn dawk applikati fil-każ ta’ ekwipaġġi mill-Gżejjer Solomon u taħt l-ebda ċirkustanza m’għandhom ikunu anqas mill-istandards ta’ l-ILO.

9.   Il-baħrin kollha impjegati abbord bastimenti tal-Komunità għandhom jirrapportaw għand il-kaptan tal-bastiment speċifiku ġurnata qabel id-data ta’ l-imbarkazzjoni proposta. Fejn xi baħri jonqos milli jirrapporta fid-data u l-ħin miftiehem għall-imbarkazzjoni, is-sidien tal-vapuri jinħelsu b’mod awtomatiku mill-obbligu li jtellgħu abbord lil baħri.

10.   Fejn l-ebda baħri mill-Gżejjer Solomon m’hu se jittella’ abbord għal raġunijet li m’humiex dawk imsemmija fil-punt ta’ qabel dan, is-sidien tal-vapuri għandhom ikunu obbligati jħallsu malajr kemm jista’ jkun ammont b’rata bażi (għas-sena tas-sajd) ekwivalenti għall-pagi tal-baħrin li ma jkunux ittellgħu abbord.

11.   Dik is-somma għandha tintuża għat-taħriġ ta’ baħrin/sajjieda fil-Gżejjer Solomon u għandha tiġi ddepożitata fil-Kont tad-Dħul tal-Gvern Nru 0260-002 mal-Bank Ċentrali tal-Gżejjer Solomon, Honiara.

KAPITOLU V

L-ISPEĊIFIKAZZJONIJIET TEKNIĊI

Il-bastimenti għandhom ikunu konformi mal-miżuri u r-rakkomandazzjonijiet adottati mis-Segretarjat tal-Komunità tal-Paċifiku u mill-membri ta’ l-“Arranġament ta’ Palau” dwar l-apparat tas-sajd u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tiegħu u l-miżuri tekniċi l-oħrajn kollha applikabbli għall-attivitajiet tas-sajd tagħhom.

KAPITOLU VI

L-OSSERVATURI

1.   Hekk kif jiddepożita applikazzjoni għal liċenzja, kull bastiment tal-Komunità konċernat għandu jikkontribwixxi EUR 400 fil-Kont tad-Dħul tal-Gvern Nru 0260-002 mal-Bank Nazzjonali tal-Gżejjer Solomon, Honiara, speċifikament għall-programm ta’ l-osservatur.

Il-bastimenti li jkunu awtorizzati li jistadu fl-ilmijiet territorjali tal-Gżejjer Solomon taħt il-Ftehim għandhom itellgħu abbord osservaturi maħturin mill-Gżejjer Solomon skond it-termini stabbiliti hawn taħt:

2.1   Is-Segretarju Permanenti għandu jiddetermina kull sena l-ambitu tal-programm ta’ osservazzjoni abbord fuq il-bażi tan-numru ta’ bastimenti awtorizzati li jistadu fl-ilmijiet taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu u l-istat tar-riżorsi fil-mira ta’ dawk il-bastimenti. B’dan il-mod għandu jiddetermina n-numru jew il-persentaġġ ta’ bastimenti skond il-kategorija tas-sajd li huwa meħtieġ li jkollhom osservatur abbord.

2.2   Is-Segretarju Permanenti għandu jikkompila lista ta’ bastimenti nnominati biex ikollhom osservatur abbord u lista ta’ osservaturi maħturin. Dawn il-listi jridu jinżammu aġġornati. Għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni Ewropea hekk kif jiġu kkompilati u kull tliet xhur, minn dakinhar, meta jkunu ġew aġġornati.

2.3   Is-Segretarju Permanenti għandu jinforma lis-sidien tal-vapuri konċernati, jew lill-aġenti tagħhom, bl-intenzjoni tiegħu li jkun hemm osservatur maħtur abbord il-bastimenti tagħhom, fil-mument li tinħareġ il-liċenzja, jew mhux aktar tard minn ħmistax-il ġurnata (15) qabel id-data ta’ l-imbarkazzjoni ppjanata ta’ l-osservatur u li ismu għandu jkun innotifikat malajr kemm jista’ jkun.

3.   Iż-żmien li l-osservaturi jridu jqattgħu abbord għandu jkun iffissat mis-Segrertarju Permanenti imma, bħala regola ġenerali, m’għandux jeċċedi ż-żmien meħtieġ biex iwettqu d-dmirijiet tagħhom. Is-Segretarju Permanenti għandu jinforma lis-sidien tal-vapuri jew lill-aġenti tagħhom b’dan meta jinnotifikalhom l-isem ta’ l-osservatur li jkun inħatar biex jittella’ abbord il-bastiment konċernat.

4.   Il-kundizzjonijiet li bihom osservaturi jittieħdu abbord għandhom ikunu maqbula bejn is-sidien tal-vapuri jew l-aġenti tagħhom u s-Segretarju Permanenti.

5.   Fi żmien ġimgħatejn, u b’avviż ta’ għaxart’ijiem, is-sidien tal-vapuri kkonċernati għandhom jgħidu f’liema portijiet tal-Gżejjer Solomon u f’liema dati bi ħsiebhom itellgħu abbord lill-osservaturi.

6.   Fejn l-osservaturi jittellgħu abbord f’port barrani, l-ispejjeż tagħhom ta’ l-ivvjaġġar iridu jitħallsu mis-sid tal-vapur. Jekk bastiment b’osservatur mill-Gżejjer Solomon fuqu jħalli ż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon, għandhom jittieħdu l-miżuri kollha biex ikun assigurat li l-osservatur jirrotorna lejn il-Gżejjer Solomon malajr kemm jista’ jkun bl-ispejjeż imħallsin mis-sid tal-vapur.

7.   Jekk l-osservatur la jkun preżenti fil-post u fil-ħin miftiehem u lanqas matul is-sitt (6) sigħat ta’ wara, is-sidien tal-vapuri jinħelsu mill-obbligi tagħhom li jieħdu lill-osservatur abbord.

L-osservaturi għandhom jiġu ttrattati bħala uffiċjali. Għandhom iwettqu x-xogħol li ġej:

8.1   josservaw l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti;

8.2   jivverifikaw il-pożizzjoni tal-bastimenti għaddejjin bl-operazzjonijiet tas-sajd;

8.3   jieħdu kampjuni bijoloġiċi fil-kuntest ta’ programmi xjentifiċi;

8.4   jinnotaw x’apparat tas-sajd ikun qed jintuża;

8.5   jivverifikaw id-data dwar il-qabda miż-żona tal-Gżejjer Solomon li tkun ġiet irreġistrata fil-ġurnal ta’ abbord;

8.6   jivverifikaw il-persentaġġi tal-qabdiet sekondarji u jistmaw il-kwantità ta’ ħut skartat ta’ l-ispeċijiet jistgħu jinbigħu fis-suq li jkun fihom ix-xewka, tal-krustaċej, taċ-ċefalopodi u tal-mammali tal-baħar;

8.7   jirrapportaw id-data dwar is-sajd darba fil-ġimgħa bir-radju, inklużi l-kwantità tal-qabdiet u l-qabdiet sekondarji abbord.

9.   Il-kaptani għandhom jagħmlu dak kollu possibbli biex jassiguraw is-sigurtà fiżika u l-benesseri ta’ l-osservaturi waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.

10.   Bl-istess mod, safejn ikun possibbli, għandhom jiġu offruti kull faċilità meħtieġa biex iwettqu dmirijiethom. Il-kaptan għandu jagħtihom aċċess għall-mezzi ta’ komunikazzjoni meħtieġa biex ikunu jistgħu jwettqu dmirijiethom, għad-dokumenti li jikkonċernaw direttament l-attivitajiet tas-sajd, inkluż, b’mod partikolari, il-ġurnal ta’ abbord u l-ġurnal fejn tkun irreġistrata l-informazzjoni dwar in-navigazzjoni u għal dawk il-partijiet tal-bastiment meħtieġa biex ikun faċilitat l-eżerċizzju ta’ ħidmiethom bħala osservaturi.

Waqt li jkunu abbord, l-osservaturi għandhom:

11.1   jieħdu l-passi kollha xierqa biex ikun assigurat li l-kondizzjonijet ta’ l-imbark u tal-preżenza tagħhom fuq il-bastiment la jinterrompu u lanqas ifixklu l-operazzjonijiet tas-sajd,

11.2   jirrispettaw il-materjal u t-tagħmir li jkun hemm abbord u r-riservatezza tad-dokumenti kollha tal-bastiment konċernat.

12.   Fl-aħħar tal-perjodu ta’ osservazzjoni u qabel ma jħallu l-bastiment, l-osservaturi għandhom jikkompilaw rapport dwar l-attività biex ikun trasmess lis-Segretarju Permanenti, b’kopja lid-Delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea. Għandhom jiffirmawh quddiem il-kaptan, li jista’ jżid jew jitlob li jsiru xi żjidiet ma’ kwalunkwe osservazzjoni li tkun ikkunsidata bħala rilevanti, segwita bil-firma tal-kaptan. Meta l-osservatur jitniżżel l-art tingħata kopja tar-rapport lill-kaptan.

13.   Is-sidien tal-vapuri għandhom iħallsu l-ispejjeż meħtieġa għall-akkomodazzjoni ta’ l-osservaturi b’mod li huma jkollhom l-istess kundizzjonijiet bħall-uffiċjali fuq il-bastiment.

14.   Is-salarju u l-kontribuzzjonijiet soċjali ta’ l-osservatur għandhom jitħallsu mill-Gvern tal-Gżejjer Solomon.

KAPITOLU VII

L-IDENTIFIKAZZJONI TAL-BASTIMENT U L-INFURZAR

1.   Għas-sigurtà ta’ l-industrija tas-sajd u tal-baħar, kull bastiment għandu jkun immarkat u identifikat skond l-ispeċifikazzjoni standard approvata mill-Organizzazzjoni ta’ l-Ikel u ta’ l-Agrikoltura (FAO) dwar l-immarkar u l-identifikazzjoni tal-bastimenti tas-sajd.

2.   L-isem tal-bastiment għandu jkun stampat b’mod ċar b’karattri bil-Latin fuq il-pruwa u l-poppa tal-bastiment.

3.   Kwalunkwe bastiment li ma jkunx qed juri ismu u l-frekwenza tar-radju tas-sejħa tiegħu jew l-ittri ta’ l-identifikazzjoni bil-mod preskritt jista’ jiġi skortat għal ġo port tal-Gżejjer Solomon għal aktar investigazzjonijiet.

4.   Operatur ta’ bastiment għandu jassigura li jkollu sorveljanza kontinwa tal-frekwenza internazzjonali għas-sejħiet ta’ l-għajnuna u għall-komunikazzjoni fuq 2 182  kHz (HF), u/jew il-frekwenza internazzjonali għas-sejħiet ta’ l-għajnuna u għall-komunikazzjoni fuq 156.8 MHz (Banda ta’ frekwenza 16, VHF-FM) sabiex tkun iffaċilitata l-komunikazzjoni ma’ l-awtoritajiet ta’ l-amministrazzjoni ta’ l-industrija tas-sajd, u tas-sorveljanza u ta’ l-infurzar tal-Gvern.

5.   Operatur ta’ bastiment għandu jassigura li kopja riċenti u aġġornata tal-Kodiċi Internazzjonali tas-Sinjali (INTERCO) tkun tinsab abbord u tkun aċċessibbli f’kull ħin.

KAPITOLU VIII

IL-KOMUNIKAZZJONI MAL-BASTIMENTI TA’ L-GĦASSA TAL-GŻEJJER SOLOMON

Il-komunikazzjoni bejn il-bastimenti li jkollhom il-permess u l-bastimenti ta’ l-għassa tal-Gvern għandha ssir permezz ta’ kodiċi ta’ sinjali internazzjonali skond kif ġej:

Kodiċi ta’ Sinjali Internazzjonali —

Tifsira:

L …

Ieqaf minnufih

SQ3 …

Ieqaf jew naqqas il-veloċità, nixtieq nitla’ abbord il-bastiment tiegħek

QN …

Qiegħed il-bastiment tiegħek man-naħa tal-lemin tal-bastiment tagħna

QN1 …

Qiegħed il-bastiment tiegħek man-naħa ta’ fejn hemm il-bieb tal-passiġġieri tal-bastiment tagħna

TD2 …

Intom bastiment tas-sajd?

C …

Iva

N …

Le

QR …

Ma nistgħux inqiegħdu l-bastiment tagħna maġenb tagħkom

QP …

Aħna sejrin inqiegħdu l-bastiment tagħna maġenb tagħkom.

KAPITOLU IX

IS-SORVELJANZA

1.   Il-Komunità Ewropea għandha żżomm lista aġġornata tal-bastimenti li għalihom tkun inħarġet liċenzja għas-sajd taħt dan il-Protokoll. Din il-lista għandha tiġi nnotifikata lill-awtoritajiet tal-Gżejjer Solomon responsabbli mill-ispezzjonijiet ta’ l-industrija tas-sajd hekk kif tkun ikkompilata u kull darba li tiġi aġġornata.

2.   Il-bastimenti tal-Komunità jistgħu jiġu inklużi fil-lista msemmija fil-punt ta’ qabel dan mal-wasla tan-notifika tal-pagament bil-quddiem imsemmi fil-punt 3 tat-Taqsima 2 ta’ Kapitolu I ta’ dan l-Anness. Is-sid tal-bastiment jista’ mbagħad jikseb kopja ċċertifikata ta’ din il-lista biex tinżamm abbord minflok il-liċenzja tas-sajd sakemm tinħareġ il-liċenzja.

3.   Id-dħul u l-ħruġ miż-żona:

3.1   Il-bastimenti tal-Komunità għandhom jinnotifikaw lis-Segretarju Permanenti, mill-inqas 24 siegħa bil-quddiem, bl-intenzjoni tagħhom li jidħlu fiż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon, jew li jħalluha. Hekk kif il-bastimenti jidħlu fiż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon, huma għandhom jinformaw lis-Segretarju Permanenti permezz ta’ fax, e-mail jew radju.

3.2   Meta jinnotifikaw li jkunu ser jitilqu, il-bastimenti għandhom ukoll jikkomunikaw il-pożizzjoni tagħhom u l-volum tal-qabdiet u l-ispeċijiet maqbuda li jkollhom abbord. Dawn il-komunikazzjonijiet għandhom isiru jekk jista’ jkun permezz tal-fax, imma fin-nuqqas ta’ dan, fil-każ ta’ bastimenti li ma jkollhomx fax, bl-e-mail jew bir-radju.

3.3   Dawk il-bastimenti li jinqabdu jistadu mingħajr ma jkunu informaw lis-Segretarju Permanenti jitqiesu bħala bastimenti mingħajr liċenzja.

3.4   Il-bastimenti għandhom ukoll jiġu informati bin-numri tal-fax u tat-telefon u bl-indirizz ta’ l-e-mail meta tinħareġ il-liċenzja tas-sajd.

4.   Il-proċeduri tal-kontroll.

4.1   Il-kaptani ta’ bastimenti tas-sajd tal-Komunità li jkunu għaddejjin b’attivitajiet tas-sajd fiż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon għandhom iħallu lil kwalunkwe uffiċjal tal-Gżejjer Solomon responsabbli mill-ispezzjoni u l-kontroll ta’ l-attivitajiet tas-sajd li jitla’ abbord u jiffaċilitawh f’dan u fit-twettiq ta’ dmirijietu.

4.2   Dawn l-uffiċjali m’għandhomx jibqgħu abbord għal aktar milli huwa meħtieġ biex iwettqu dmirijiethom.

4.3   Ladarba titlesta l-ispezzjoni, għandu jinħareġ ċertifikat lill-kaptan tal-bastiment.

5.   L-arrest tal-bastimenti tas-sajd.

5.1   Is-Segretarju Permanenti għandu jinforma lid-Delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, fi żmien 48 siegħa, bl-arresti u l-pieni kollha imposti fuq bastimenti tal-Komunità fiż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon.

5.2   Fl-istess waqt id-Delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għandha tirċievi rapport fil-qosor taċ-ċirkustanzi u r-raġunijiet li jkunu wasslu għall-arrest.

6.   Id-dikjarazzjoni ta’ l-arrest.

6.1   Wara li l-uffiċjal inkarigat mill-ispezzjoni jkun għamel dikjarazzjoni, il-kaptan tal-bastiment għandu jiffirmaha.

6.2   Din il-firma ma tippreġudikax id-drittijiet tal-kaptan jew kwalunkwe difiża li huwa jista’ jagħmel fil-konfront ta’ l-allegat ksur.

6.3   Il-kaptan għandu jieħu l-bastiment f’port indikat mill-uffiċjal inkarigat mill-ispezzjoni. F’każ ta’ ksur minuri, is-Segretarju Permanenti jista’ jawtorizza lill-bastiment li jkun tela’ fuqu biex ikompli bl-attivitajiet tas-sajd tiegħu.

7.   Laqgħa ta’ konsultazzjoni f’każ ta’ arrest.

7.1   Qabel ma tiġi kkunsidrata kwalunkwe miżura dwar il-kaptan jew l-ekwipaġġ tal-bastiment jew kwalunkwe azzjoni dwar il-merkanzija u t-tagħmir tal-bastiment li ma jkunux dawk biex tkun salvagwardjata l-evidenza dwar ksur preżunt, għandha ssir laqgħa ta’ konsultazzjoni, fi żmien ġurnata tax-xogħol mill-wasla ta’ l-informazzjoni msemmija hawn fuq, bejn id-Delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea u s-Segretarju Permanenti, jekk jista’ jkun bil-preżenza ta’ rappreżentant ta’ l-Istat Membru konċernat.

7.2   F’din il-laqgħa, il-Partijiet għandhom jiskambjaw kwalunkwe dokumentazzjoni jew informazzjoni rilevanti li tista’ tgħin biex ikunu ċċarati ċ-ċirkustanzi tal-fatti stabbiliti. Is-sid tal-vapur jew l-aġent tiegħu għandhom jiġu informati bir-riżultat tal-laqgħa u b’kull miżuri li jirriżultaw mill-arrest.

8.   Il-ftehim dwar l-arrest.

8.1   Qabel ma tinbeda kull proċedura ġudizzjarja, għandu jsir tentattiv biex tinstab soluzzjoni għall-ksur preżunt permezz ta’ proċedura ta’ kompromess. Din il-proċedura għandha tintemm sa erba’ (4) ġranet tax-xogħol wara li jkun sar l-arrest.

8.2   F’każ li tkun instabet soluzzjoni ta’ ħbiberija, l-ammont tal-multa għandu jkun iddeterminat skond il-leġislazzjoni tal-Gżejjer Solomon.

8.3   Jekk il-każ ma jistax jiġi solvut bi ħbiberija u għalhekk ikollu jitressaq quddiem korp ġudizzjarju kompetenti, is-sid tal-vapur għandu jiddepożita fil-Kont tad-Dħul tal-Gvern Nru 0260-002 mal-Bank Ċentali tal-Gżejjer Solomon, Honiara, garanzija mill-bank biex tkopri l-ispejjeż ta’ l-arrest u l-multi u kumpens li jridu jitħallsu mill-partijiet responsabbli mill-ksur.

8.4   Il-garanzija mill-bank għandha tkun irrevokabbli sakemm il-proċeduri legali jkunu ġew konklużi. Għandha tinħall hekk kif il-proċeduri legali jintemmu mingħajr kundanna ta’ ħtija. Bl-istess mod, f’każ ta’ kundanna ta’ ħtija li twassal għal multa li tkun inqas mill-garanzija li tkun ġiet iddepożitata, il-bilanċ jinħall mis-Segretarju Permanenti, fil-Ministeru tal-Finanzi.

8.5   Il-bastiment jinħeles u l-ekwipaġġ tiegħu ikun awtorizzat li jħalli l-port:

malli jkunu sodisfatti l-obbligi tal-ftehim bi ħbiberija, jew

meta l-garanzija mill-bank imsemmija fil-punt 8.3 tkun ġiet iddepożitata u aċċettata mis-Segretarju Permanenti, sakemm jitlestew il-proċeduri legali.

9.   It-trasbord.

9.1   Il-bastimenti tal-Komunità li jixtiequ jridu jittrasbordaw il-qabdiet tagħhom fl-ilmijiet territorjali tal-Gżejjer Solomon għandhom jagħmlu dan fil-portijiet indikati tal-Gżejjer Solomon.

9.2   Is-sidien ta’ bastimenti bħal dawn għandhom jinnotifikaw l-informazzjoni li ġejja lis-Segretarju Permanenti, mill-inqas 48 siegħa bil-quddiem:

l-ismijiet tal-bastimenti tas-sajd li se jagħmlu t-trasbord,

l-ismijiet tal-bastimenti tal-merkanzija,

it-tunnellaġġ, skond l-ispeċi, li ser jiġi trasbordat,

il-ġurnata tat-trasbord.

9.3   It-trasbord għandu jiġi kkunsidat bħala ħruġ miż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon. Għalhekk il-bastimenti għandhom iressqu d-dikjarazzjoniet tal-qabdiet tagħhom lis-Segretarju Permanenti u jiddikjaraw jekk għandhomx il-ħsieb li jkomplu jistadu jew iħallu ż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon.

9.4   Kwalunkwe trasbord ta’ qabdiet li m’huwiex kopert b’dak li ntqal hawn fuq m’għandux jitħalla jsir fiż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon. Kwalunkwe persuna li tikser din id-disposizzjoni tkun suġġetta għall-pieni skond il-liġijiet tal-Gżejjer Solomon.

Il-kaptani ta’ bastimenti tas-sajd tal-Komunità li jkunu involuti f’operazzjonijiet ta’ żbark jew trasbord f’port tal-Gżejjer Solomon għandhom iħallu li jsiru, u jiffaċilitaw l-ispezzjoni ta’ dawn l-operazzjonijiet minn spetturi mill-Gżejjer Solomon. Malli titlesta l-ispezzjoni, jinħareġ ċertifikat lill-kaptan tal-bastiment.

Appendiċijiet

1.

Il-Formola għall-Applikazzjoni tal-Liċenzja.

2.

Il-ġurnal ta’ abbord.

Appendiċi 1

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Appendiċi 2a

Image

Test ta 'immaġni

Appendiċi 2b

Image

Test ta 'immaġni

13.4.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

54


DIRETTIVA 2006/24/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta' Marzu 2006

dwar iż-żamma ta' data ġenerata jew proċessata b'konnessjoni mal-provvista ta' servizzi pubblikament disponibbli ta' komunikazzjoni elettronika jew ta' networks ta' komunikazzjoni pubblika u li temendi d-Direttiva 2002/58/KE

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data  (3) tirrikjedi li l-Istati Membri jipproteġu d-drittijiet u l-libertajiet ta' persuni fiżiċi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali, u b'mod partikolari d-dritt tagħhom għall-privatezza, sabiex jiġi żgurat il-fluss liberu ta' data personali fil-Komunità.

(2)

Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar ta' data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-kommunikazzjoni elettronika) (4) tittraduċi l-prinċipji stabbiliti fid-Direttiva 95/46/KE f'regoli speċifiċi għas-settur tal-komunikazzjoni elettronika.

(3)

L-Artikoli 5, 6 u 9 tad-Direttiva 2002/58/KE jistabbilixxu r-regoli applikabbli għall-ipproċessar, mill-fornituri ta' networks u ta' servizzi, ta' data dwar it-traffiku u data dwar il-lok ġenerati bl-użu ta' servizzi ta' komunikazzjoni elettronika. Tali data għandha titħassar jew issir anonima ladarba ma tibqax meħtieġa għal skopijiet ta' trażmissjoni ta' komunikazzjoni, ħlief meta d-data tkun meħtieġa għall-kontijiet jew għall-ħlas ta' l-interkonnessjoni. Jekk jingħata l-kunsens, ċerta data tista' wkoll tiġi proċessata għal skopijiet ta' kummerċjalizzazzjoni u għall-forniment ta' servizzi b'valur miżjud.

(4)

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li taħthom l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-ambitu tad-drittijiet u ta' l-obbligi msemmija fl-Artikolu 5, fl-Artikolu 6, fl-Artikolu 8(1), (2), (3) u (4), u fl-Artikolu 9 ta' dik id-Direttiva. Kwalunkwe restrizzjoni bħal din trid tkun meħtieġa, xierqa u proporzjonata fi ħdan soċjetà demokratika għal skopijiet speċifiċi ta' ordni pubbliku, jiġifieri sabiex tiġi salvagwardata d-difiża tas-sigurtà nazzjonali (i.e. tas-sigurtà ta' l-Istat), id-difiża, is-sigurtà pubblika jew il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l-iskoperta u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew ta' użu mhux awtorizzat ta' sistemi ta' komunikazzjoni elettronika.

(5)

Diversi Stati Membri adottaw leġiżlazzjoni li taħseb għaż-żamma ta' data mill-fornituri tas-servizzi għal raġunijiet ta' prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta' reati kriminali. Dawk id-dispożizzjonijiet nazzjonali jvarjaw b'mod konsiderevoli.

(6)

Id-differenzi legali u tekniċi bejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali rigward iż-żamma ta' data għal skopijiet ta' prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta' reati kriminali jippreżentaw ostakli għas-suq intern tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, minħabba li l-fornituri tas-servizzi jkollhom ikunu konformi ma' rekwiżiti differenti rigward it-tipi ta' data dwar it-traffiku u dwar il-lok li jkollha tinżamm kif ukoll rigward il-kondizzjonijiet u l-perjodi taż-żamma.

(7)

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni tad-19 ta' Diċembru 2002 jissottolinjaw li, minħabba t-tkabbir sostanzjali fil-possibbiltajiet offruti permezz tal-kommunikazzjonijiet elettroniċi, id-data relatata ma' l-użu ta' kommunikazzjonijiet elettroniċi hija partikolarment importanti u għalhekk hija għodda siewja għall-prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta' reati kriminali, b'mod partikolari ta' kriminalita' organizzata.

(8)

Id-Dikjarazzjoni dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu adottata mill-Kunsill Ewropew fil-25 ta' Marzu 2004 sejħet lill-Kunsill sabiex jeżamina miżuri sabiex jiġu stabbiliti regoli dwar iż-żamma, mill-fornituri tas-servizzi, ta' data dwar it-traffiku fil-komunikazzjonijiet.

(9)

Taħt l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (ECHR), kulħadd għandu l-jedd għar-rispett tal-ħajja privata u tal-korrispondenza tiegħu. L-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jindaħlu fl-eżerċizzju ta' dak id-dritt biss b'konformità mal-liġi u fejn ikun neċessarju f'soċjetà demokratika fl-interess tas-sigurtà nazzjonali jew tas-sigurtà pubblika, għall-prevenzjoni tad-diżordni jew tal-kriminalità, jew għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tat-terzi. Minħabba li ż-żamma tad-data wriet li hija għodda ta' investigazzjoni tant neċessarja u effettiva għall-infurzar tal-liġi f'diversi Stati Membri, u b'mod partikolari fir-rigward ta' każijiet serji bħal dawk ta' kriminalità organizzata u ta' terroriżmu, huwa neċessarju li tkun żgurata għal ċertu perjodu ta' żmien id-disponibbiltà tad-data miżmuma għall-infurzar tal-liġi skond il-kondizzjonijiet disposti f'din id-Direttiva. L-adozzjoni ta' strument dwar iż-żamma tad-data li jikkonforma mar-rekwiziti ta' l-Artikolu 8 ta' l-ECHR hija għalhekk miżura neċessarja.

(10)

Fit-13 ta' Lulju 2005, il-Kunsill afferma mill-ġdid, fid-dikjarazzjoni ta' kundanna kontra l-attakki terroristiċi f'Londra, il-ħtieġa li tiġi adottata malajr kemm jista' jkun miżuri komuni dwar iż-żamma ta' data tat-telekomunikazzjonijiet.

(11)

Minħabba l-importanza tad-data dwar it-traffiku u dwar il-lok għall-investigazzjoni, għall-iskoperta u għall-prosekuzzjoni ta' reati kriminali, kif muri mir-riċerka u mill-esperjenza prattika ta' diversi Stati Membri, hemm il-ħtieġa li jiġi żgurat fil-livell Ewropew li d-data li tkun ġenerata jew proċessata, fil-provvista ta' servizzi ta' komunikazzjoni, mill-fornituri ta' servizzi pubblikament disponibbli ta' komunikazzjoni elettronika jew ta' network pubbliku ta' komunikazzjoni, tinżamm għal ċertu perjodu ta' żmien skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f'din id-Direttiva.

(12)

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE ikompli japplika fir-rigward ta' data, inkluża data relatata ma' tentattivi ta' telefonati li ma jirnexxux, li ż-żamma tagħha mhijiex speċifikament meħtieġa taħt din id-Direttiva u li għalhekk hija eskluża mill-kamp ta' applikazzjoni tagħha, u taż-żamma għal skopijiet, inklużi skopijiet ġudizzjarji, diversi minn dawk koperti minn din id-Direttiva.

(13)

Din id-Direttiva tirrigwarda biss data ġenerata jew proċessata bħala riżultat ta' komunikazzjoni jew ta' servizz ta' komunikazzjoni u ma tirrigwardax data li hija l-kontenut ta' l-informazzjoni komunikata. Id-data għandha tinżamm b'tali mod li jkun evitat li din tinżamm aktar minn darba. Id-data ġenerata jew proċessata, fl-għoti tas-servizzi ta' komunikazzjonijiet konċernati, tfisser data li tkun aċċessibbli. B'mod partikolari, fir-rigward taż-żamma ta' data relatata ma' l-email fuq l-Internet u mat-telefonija bl-Internet, l-obbligu taż-żamma ta' data jista' japplika biss fir-rigward ta' data li tiġi mis-servizzi proprji tal-fornituri jew tal-fornituri tan-network.

(14)

It-teknoloġiji relatati mal-komunikazzjonijiet elettroniċi qegħdin jinbidlu malajr u r-rekwiżiti leġittimi ta' l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jevolvu. Sabiex tingħata konsulenza u tinkoraġġixxi l-iskambju ta' l-esperjenza ta' l-aqwa prattika f'dawn l-oqsma, il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tistabbilixxi grupp magħmul minn awtoritajiet għall-infurzar tal-liġi ta' l-Istati Membri, minn assoċjazzjonijiet ta' l-industrija tal-komunikazzjoni elettronika, minn rappreżentanti tal-Parlament Ewropew u minn awtoritajiet għall-protezzjoni tad-data, inkluż il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

(15)

Id-Direttiva 95/46/KE u d-Direttiva 2002/58/KE huma applikabbli bis-sħiħ għad-data miżmuma skond din id-Direttiva. L-Artikolu 30(1)(ċ) tad-Direttiva 95/46/KE teħtieġ konsultazzjoni mal-Grupp ta' Ħidma dwar il-Protezzjoni ta' l-Individwi fir-rigward ta' l-Ipproċessar ta' Data Personali stabbilit taħt l-Artikolu 29 ta' dik id-Direttiva.

(16)

L-obbligi imposti fuq il-fornituri tas-servizz li jikkonċernaw miżuri sabiex jiżguraw il-kwalità tad-data li huma stabbiliti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 95/46/KE, kif ukoll l-obbligi tagħhom fir-rigward ta' miżuri sabiex jiżguraw il-kunfidenzjalità u s-sigurtà ta' l-ipproċessar tad-data stabbiliti fl-Artikoli 16 u 17 ta' dik id-Direttiva, japplikaw bis-sħiħ għad-data li tinżamm fis-sens ta' din id-Direttiva.

(17)

Huwa essenzjali li l-Istati Membri jadottaw miżuri leġiżlattivi sabiex jiżguraw li data miżmuma taħt din id-Direttiva tingħata lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biss skond il-liġi nazzjonali b'rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali tal-persuni konċernati.

(18)

F'dan il-kuntest, l-Artikolu 24 tad-Direttiva 95/46/KE jimponi obbligu fuq l-Istati Membri sabiex jistabbilixxu sanzjonijiet għall-ksur tad-dispożizzjonijiet adottati skond dik id-Direttiva. L-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2002/58/KE jimponi l-istess rekwiżit fir-rigward ta' dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond id-Direttiva 2002/58/KE. Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/222/ĠAI ta' l-24 ta' Frar 2005 dwar attakki kontra s-sistemi ta' informazzjoni (5) tipprovdi li l-aċċess miksub illegalment, bi ħsieb, f'sistemi ta' informazzjoni, inkluż aċċess għad-data miżmuma fihom, għandu jsir punibbli bħala reat kriminali.

(19)

Id-dritt ta' kwalunkwe persuna li tkun sofriet ħsara b'riżultat ta' xi operazzjoni illegali ta' proċessar jew ta' kwalunkwe att mhux konformi mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond id-Direttiva 95/46/KE li tirċievi kumpens, stipulat fl-Artikolu 23 ta' dik id-Direttiva, japplika wkoll fir-rigward ta' l-ipproċessar illegali ta' kwalunkwe data personali taħt din id-Direttiva.

(20)

Il-Konvenzjoni ta' l-2001 tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar is-“Cybercrime” kif ukoll il-Konvenzjoni ta' l-1981 tal-Kunsill ta' l-Ewropa għall-Protezzjoni ta' l-Individwi fir-Rigward ta' l-Ipproċessar Awtomatiku ta' Data Personali ikopru wkoll data miżmuma fis-sens ta' din id-Direttiva.

(21)

Ladarba l-għanijiet ta' din id-Direttiva, jiġifieri l-armonizzazzjoni ta' l-obbligi imposti fuq il-fornituri sabiex iżommu ċerta data u sabiex jiżguraw li dik id-data tkun disponibbli għal skopijiet ta' investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta' reati serji kif definiti minn kull Stat Membru fil-liġi nazzjonali tiegħu, ma jistgħux jintlaħqu suffiċjentement mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti ta' din id-Direttiva, jintlaħqu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stipulat f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(22)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti, b'mod partikolari, mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea. B'mod partikolari, din id-Direttiva, flimkien mad-Direttiva 2002/58/KE, tfittex li tiżgura konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u tal-komunikazzjonijiet taċ-ċittadini u għall-protezzjoni tad-data personali tagħhom, kif affermati fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta.

(23)

Fid-dawl tal-ħtieġa li l-obbligi imposti fuq il-fornituri ta' servizzi ta' komunikazzjoni elettronika għandhom ikunu proporzjonati, din id-Direttiva tesiġi li huma jżommu biss tali data li tkun ġenerata jew proċessata fil-proċess tal-fornitura tas-servizzi tagħhom ta' komunikazzjonijiet. Sa fejn tali data ma tkunx ġenerata jew proċessata minn dawk il-fornituri, m'hemm l-ebda obbligu li din tinżamm. Din id-Direttiva mhijiex maħsuba sabiex tarmonizza t-teknoloġija għaż-żamma ta' data, li l-għażla tagħha tkun kwistjoni li jkollha tiġi riżolta fil-livell nazzjonali.

(24)

Skond il-paragrafu 34 tal-Ftehima interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet (6), l-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom li jillustraw, sa fejn ikun possibbli, l-korrelazzjoni bejn din id-Direttivi u l-miżuri ta' traspożizzjoni, u sabiex jagħmluhom disponibbli għall-pubbliku.

(25)

Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għas-setgħa ta' l-Istati Membri li jadottaw miżuri leġiżlattivi dwar id-dritt ta' aċċess għal, u ta' użu ta', data ta' l-awtoritajiet nazzjonali, kif nominati minnhom. Il-kwistjonijiet ta' aċċess għal data miżmuma skond din id-Direttiva mill-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali għal tali attivitajiet bħal dawk imsemmija fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46/KE ma jaqawx fil-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi Komunitarja. Madanakollu, huma jistgħu jkunu suġġetti għal-liġi nazzjonali, jew għall-azzjoni skond it-Titlu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Tali liġijiet jew azzjoni għandhom dejjem jirrispettaw id-drittijiet fundamentali kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni ta' l-Istati Membri u kif garantiti mill-ECHR. Taħt l-Artikolu 8 ta' l-ECHR, skond kif interpretat mill-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, l-indħil mill-awtoritajiet pubbliċi fid-drittijiet ta' privatezza għandu jissodisfa r-rekwiżiti ta' ħtieġa u ta' proporzjonalità u għalhekk għandu jservi skopijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi u jkun eżerċitat b'mod li jkun adattat, pertinenti u mhux eċċessiv fir-rigward ta' l-iskop ta' l-indħil,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   L-għan ta' din id-Direttiva huwa li tarmonizza d-dispożizzjonijiet ta' l-Istati Membri dwar l-obbligi imposti fuq il-fornituri ta' servizzi ta' komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku jew ta' networks ta' komunikazzjonijiet pubbliċi fir-rigward taż-żamma ta' ċerta data ġenerata jew proċessata minnhom, sabiex jiġi żgurat li d-data tkun disponibbli għal skopijiet ta' investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta' reati serji, kif definita minn kull Stat Membru fil-liġi nazzjonali tiegħu.

2.   Din id-Direttiva għandha tapplika għal data dwar it-traffiku u data dwar il-lok kemm dwar entitajiet ġuridiċi kif ukoll dwar persuni fiżiċi u għad-data relatata meħtieġa sabiex ikun identifikat l-abbonat jew l-utent reġistrat. Ma għandhiex tapplika għall-kontenut tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, inkluża informazzjoni konsultata bl-użu ta' network ta' komunikazzjoni elettronika.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet fid-Direttiva 95/46/KE, fid-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (7), kif ukoll fid-Direttiva 2002/58/KE.

2.   Għall-finijiet ta' din id-Direttiva:

(a)

data” tfisser data dwar it-traffiku u data dwar il-lok u d-data relatata meħtieġa sabiex ikun identifikat l-abbonat jew l-utent;

(b)

“utent” tfisser kull entità ġuridika jew persuna fiżika li tuża servizz ta' komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku, għal skopijiet privati jew ta' negozju, mingħajr il-ħtieġa li tkun abbonata għal dak is-servizz;

(ċ)

“servizz tat-telefon” tfisser telefonati (inklużi dawk orali, bil-voicemail, tat-tip “konferenza” jew ta' data), servizzi supplementari (inklużi il-call forwarding u l-call transfer), servizzi ta' messaging u servizzi multimedjali (inklużi short message services, enhanced media services u servizzi multimedjali);

(d)

“user ID” tfisser identifikatur uniku allokat lil persuni meta dawn jabbonaw jew jirreġistraw f'servizz ta' aċċess ta' l-Internet jew f'servizz ta' komunikazzjoni ta' l-Internet;

(e)

“cell ID” tfisser l-identità taċ-ċellula li minnha toriġina jew li fiha tintemm telefonata bil-mobile;

(f)

“tentattiv ta' telefonata mingħajr suċċess” tfisser komunikazzjoni fejn telefonata tkun konnessa b'suċċess iżda ma tiġix imwieġba jew fejn ikun seħħ intervent mill-amministrazzjoni tan-network.

Artikolu 3

L-obbligu li tinżamm id-data

1.   B'deroga mill-Artikoli 5, 6 u 9 tad-Direttiva 2002/58/KE, l-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri sabiex jiżguraw li d-data speċifikata fl-Artikolu 5 ta' din id-Direttiva tinżamm skond id-dispożizzjonijiet tagħha sa fejn dik id-data tkun ġenerata jew proċessata mill-fornituri ta' servizzi ta' komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku jew ta' network ta' komunikazzjoni pubblika fi ħdan il-ġurisdizzjoni tagħhom fil-proċess tal-forniment tas-servizzi ta' komunikazzjoni konċernati.

2.   L-obbligu taż-żamma ta' data previst fil-paragrafu 1 għandu jinkludi iż-żamma tad-data speċifikata fl-Artikolu 5 relatata ma' tentattivi ta' telefonati mingħajr suċċess fejn dik id-data tkun ġenerata jew proċessata, u maħżuna (fir-rigward ta' data dwar telefonati) jew reġistrata (fir-rigward ta' data ta' l-Internet) minn fornituri ta' servizzi ta' komunikazzjoni elettronika disponibbli għal pubbliku jew ta' network ta' komunikazzjoni pubblika fi ħdan il-ġurisdizzjoni ta' l-Istat Membru konċernat fil-proċess tal-provvista tas-servizzi ta' komunikazzjoni konċernati. Din id-Direttiva ma tesiġix iż-żamma ta' data fir-rigward ta' telefonati mhux konnessi.

Artikolu 4

Aċċess għad-data

L-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri sabiex jiżguraw li d-data miżmuma skond din id-Direttiva tiġi provduta biss lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, f'każijiet speċifiċi u skond il-liġi nazzjonali. Il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti u l-kondizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex jiġi ottenut l-aċċess għal data miżmuma skond ir-rekwiżiti ta' neċessità u ta' proporzjonalità għandhom jiġu definiti minn kull Stat Membru fil-liġi nazzjonali tiegħu, suġġetti għad-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi ta' l-Unjoni Ewropea jew tal-liġi pubblika internazzjonali, b'mod partikulari il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, kif interpretata mill-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem.

Artikolu 5

Kategoriji ta' data li għandha tinżamm

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kategoriji ta' data li ġejjin jinżammu skond din id-Direttiva:

(a)

data meħtieġa sabiex jiġi traċċat u identifikat is-sors ta' komunikazzjoni:

(1)

rigward it-telefonija fuq network fiss u telefonija bil-mobile:

(i)

in-numru tat-telefon li minnu tkun qiegħda ssir it-telefonata;

(ii)

l-isem u l-indirizz ta' l-abbonat jew l-utent reġistrat;

(2)

rigward l-aċċess għall-Internet, email u telefonija bl-Internet:

(i)

il-user ID jew user IDs allokati;

(ii)

il-user ID u n-numru tat-telefon allokati lil kwalunkwe komunikazzjoni li tidħol fin-network tat-telefon pubbliku;

(iii)

l-isem u l-indirizz ta' l-abbonat jew ta' l-utent reġistrat li lilu kien allokat indirizz ta' l-Internet Protocol (IP), User ID jew numru tat-telefon meta twettqet il-komunikazzjoni;

(b)

data meħtieġa sabiex tiġi identifikata d-destinazzjoni ta' komunikazzjoni:

(1)

rigward telefonija fuq network fiss u telefonija bil-mobile:

(i)

in-numru jew numri ddaljat(i) (in-numru jew numri tat-telefon li minnhom tkun saret it-telefonata), u, f'każijiet li jinvolvu servizzi supplementari bħall-call forwarding jew call transfer, in-numru jew numri li għalihom hija trasferita t-telefonata;

(ii)

l-isem jew l-ismijiet u l-indirizz(i) ta' l-abbonat(i) jew l-utent(i) reġistrat(i);

(2)

rigward l-email bl-internet u t-telefonija bl-Internet:

(i)

il-user ID jew in-numru tat-telefon tar-reċipjent jew reċipjenti intizi ta' telefonata bit-telefonija bl-Internet;

(ii)

l-isem jew l-ismijiet u l-indirizz(i) ta' l-abbonat(i) jew l-utent(i) reġistrat(i) u l-user ID tar-reċipjent intiż tal-komunikazzjoni;

(ċ)

data meħtieġa sabiex jiġu identifikati d-data, il-ħin u t-tul ta' komunikazzjoni:

(1)

rigward telefonija fuq network fiss u telefonija bil-mobile, id-data u l-ħin tal-bidu u tat-tmiem tal-komunikazzjoni;

(2)

rigward l-aċċess għall-Internet, għall-email bl-Internet u t-telefonija bl-Internet:

(i)

id-data u l-ħin tal-log-in u l-log-off tas-servizz ta' aċċess għall-Internet ibbażat fuq ċerta żona orarja, flimkien ma' l-indirizz ta' l-IP, kemm jekk dinamiku kif ukoll jekk statiku, allokati mill-fornitur tas-servizz ta' aċċess għall-Internet għal komunikazzjoni, u l-user ID ta' l-abbonat jew ta' l-utent reġistrat;

(ii)

id-data u l-ħin tal-log-in u l-log-off tas-servizz ta' l-Internet bl-email jew tas-servizz ta' telefonija bl-Internet, ibbażati fuq ċerta żona orarja;

(d)

data meħtieġa sabiex jiġi identifikat it-tip ta' komunikazzjoni:

(1)

rigward it-telefonija fuq network fiss u t-telefonija bil-mobile, is-servizz tat-telefon użat;

(2)

rigward l-email bl-Internet u t-telefonija bl-Internet: is-servizz ta' l-Internet użat;

(e)

data meħtieġa sabiex jiġi identifikat it-tagħmir ta' komunikazzjoni ta' l-utenti jew dak li jkun maħsub bħala t-tagħmir tagħhom:

(1)

rigward it-telefonija fuq network fiss, in-numri tat-telefon li minnhom tkun saret it-telefonata u n-numri tat-telefon li rċevew it-telefonata;

(2)

rigward it-telefonija bil-mobile:

(i)

in-numri tat-telefon li minnhom tkun saret it-telefonata u n-numri tat-telefon li rċevew it-telefonata;

(ii)

l-Identità Internazzjonali ta' l-Abbonat tal-Mobile (IMSI) tal-parti li tagħmel it-telefonata;

(iii)

l-Identità Internazzjonali tat-Tagħmir tal-Mobile (IMEI) tal-parti li twettaq it-telefonata;

(iv)

l-IMSI tal-parti li rċeviet it-telefonata;

(v)

l-IMEI tal-parti li rċeviet it-telefonata;

(vi)

fil-każ ta' servizzi anonimi mħallsa minn qabel, id-data u l-ħin ta' l-attivazzjoni inizjali tas-servizz u l-marka tal-lok (cell ID) li minnha ġie attivat is-servizz;

(3)

rigward l-aċċess għall-Internet, email bl-Internet u telefonija bl-Internet:

(i)

in-numru tat-telefon għall-aċċess bid-dial-up;

(ii)

il-linja diġitali ta' l-abbonat (DSL) jew punt ieħor ta' l-inizjatur tal-komunikazzjoni;

(f)

data meħtieġa sabiex jiġi identifikat il-lok fejn ikun jinsab it-tagħmir ta' komunikazzjoni mobbli:

(1)

il-marka tal-lok (Cell ID) fil-bidu tal-komunikazzjoni;

(2)

id-data li tidentifika l-lok ġeografiku taċ-ċelluli b'referenza għall-marki tal-lok tagħhom (Cell ID) waqt il-perjodu li fih tinżamm id-data tal-komunikazzjonijiet.

2.   L-ebda data li tiżvela l-kontenut tal-komunikazzjoni ma tista', taħt din id-Direttiva, tinżamm.

Artikolu 6

Perjodi ta' żamma

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kategoriji ta' data speċifikati fl-Artikolu 5 tinżamm għal perjodi ta' mhux inqas minn sitt xhur u għal mhux iżjed minn sentejn mid-data tal-komunikazzjoni.

Artikolu 7

Protezzjoni ta' data u sigurtà ta' data

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet adottati skond id-Direttiva 95/46/KE u d-Direttiva 2002/58/KE, kull Stat Membru għandu jiżgura li l-fornituri ta' servizzi ta' komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku jew ta' network għall-komunikazzjonijiet pubbliċi jirrispettaw, bħala minimu, il-prinċipji, li ġejjin, ta' sigurtà tad-data fir-rigward ta' data miżmuma skond din id-Direttiva:

(a)

id-data miżmuma għandha tkun ta' l-istess kwalità u tkun suġġetta għall-istess sigurtà u protezzjoni bħal dik id-data fuq in-network;

(b)

id-data għandha tkun suġġetta għal miżuri tekniċi u organizzattivi adegwati sabiex id-data tiġi protetta kontra l-qerda aċċidentali jew illegali, jew it-telf aċċidentali jew l-alterazzjoni, il-ħżin, l-ipproċessar, l-aċċess jew l-iżvelar mhux awtorizzat jew illegali;

(ċ)

id-data għandha tkun suġġetta għal miżuri tekniċi u organizzattivi adegwati sabiex jiġi żgurat li tkun aċċessibli biss mill-persunal b'awtorizzazzjoni speċjali;

u

(d)

id-data, minbarra dik li tkun ġiet aċċessa u preżervata, għandha tiġi meqruda fit-tmiem tal-perjodu taż-żamma.

Artikolu 8

Rekwiżiti dwar il-ħażna tad-data miżmuma

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data msemmija fl-Artikolu 5 tinżamm skond din id-Direttiva b'tali mod li d-data miżmuma u kull informazzjoni oħra neċessarja relatata ma' dik id-data jkunu jistgħu jiġu trażmessi, meta mitluba, lill-awtoritajiet kompetenti mingħajr dewmien żejjed.

Artikolu 9

Awtorità ta' sorveljanza

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità pubblika waħda jew iżjed sabiex ikunu responsabbli għas-sorveljanza ta' l-applikazzjoni fit-territorju tagħhom tad-dispożizzjonijiet adottati mill-Istati Membri skond l-Artikolu 7 rigward is-sigurtà tad-data miżmuma. Dawk l-awtoritajiet jistgħu jkunu l-istess awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46/KE.

2.   L-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jaġixxu b'indipendenza sħiħa fit-twettiq tas-sorveljanza msemmija f'dak il-paragrafu.

Artikolu 10

Statistika

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull sena jipprovdu lill-Kummissjoni statistika dwar iż-żamma ta' data ġenerata jew proċessata b'konnessjoni mal-provvista ta' servizzi pubblikament disponibbli ta' komunikazzjoni elettronika jew ta' network ta' komunikazzjoni pubblika. Din l-istatistika għandha tinkludi:

il-każijiet fejn l-informazzjoni ngħatat lill-awtoritajiet kompetenti skond il-liġi nazzjonali applikabbli;

iż-żmien li jkun għadda bejn id-data li fiha nżammet id-data u d-data li fiha l-awtorità kompetenti talbet it-trażmissjoni tad-data;

il-każijiet fejn it-talbiet għad-data ma setgħux ikunu sodisfatti.

2.   Tali statistika ma għandhiex tinkludi data personali.

Artikolu 11

Emenda tad-Direttiva 2002/58/KE

Il-paragrafu li ġej għandu jiddaħħal fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/58/KE:

“1a.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal data speċifikament meħtieġa mid-Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar iż-żamma ta' data ġenerata jew proċessata b'konnessjoni mal-provvista ta' servizzi pubblikament disponibbli ta' komunikazzjoni elettronika jew ta' networks ta' komunikazzjoni pubblika (*). sabiex tinżamm għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) ta' dik id-Direttiva.

Artikolu 12

Miżuri futuri

1.   Stat Membru li jkun suġġett għal ċirkostanzi partikolari li jesiġu estensjoni għal perjodu limitat tal-perjodu massimu ta' żamma msemmi fl-Artikolu 6 jista' jieħu l-miżuri neċessarji. L-Istat Membru għandu javża minnufih lill-Kummissjoni u jinforma l-Istati Membri l-oħra dwar il-miżuri meħuda taħt dan l-Artikolu u għandu jiddikjara r-raġunijiet għall-introduzzjoni tagħhom.

2.   Il-Kummissjoni għandha, fi żmien sitt xhur wara n-notifika msemmija fil-paragrafu 1, tapprova jew tirrifjuta l-miżuri nazzjonali konċernati wara li jiġi eżaminat jekk humiex mezz ta' diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija ta' kummerċ bejn l-Istati Membri u jikkostitwixxux ostakolu għall-funzjonament tas-suq intern. Fl-assenza ta' deċiżjoni mill-Kummissjoni f'dak il-perjodu, il-miżuri nazzjonali għandhom jitqiesu bħala approvati.

3.   Fejn jiġu approvati, skond il-paragrafu 2, il-miżuri nazzjonali ta' Stat Membru li jidderoga mid-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni tista' tikkunsidra jekk għandhiex tipproponi l-emendament ta' din id-Direttiva.

Artikolu 13

Rimedji, responsabbiltà u pieni

1.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura li l-miżuri nazzjonali li jimplementaw il-Kapitlu III tad-Direttiva 95/46/KE li tipprovdi għal rimedji, responsabbiltà u sanzjonijiet ġudizzjarji jkunu implementati bis-sħiħ fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data taħt din id-Direttiva.

2.   Kull Stat Membru għandu, b'mod partikolari, jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura li kwalunkwe att, bi ħsieb, ta' aċċess għal jew trasferiment ta' data miżmuma skond din id-Direttiva li ma jkunx permess taħt il-liġi nazzjonali adottata skond din id-Direttiva ikun punibbli b'pieni inklużi pieni amministrattivi jew kriminali, li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Artikolu 14

Valutazzjoni

1.   Mhux aktar tard mill-15 ta’ Settembru 2010, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill valutazzjoni ta' l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva u ta' l-impatt tagħha fuq l-operaturi ekonomiċi u l-konsumaturi, b'kont meħud ta' żviluppi ulterjuri fit-teknoloġija tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u l-istatistiċi mogħtija lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 10 bl-iskop li jiġi determinat jekk ikunx meħtieġ li jiġu emendati d-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva, b'mod partikolari fir-rigward tal-lista tad-data fl-Artikolu 5, u l-perjodi taż-żamma msemmija fl-Artikolu 6. Ir-riżultati tal-valutazzjoni għandhom jiġu pubblikati.

2.   Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha teżamina l-osservazzjonijiet kollha komunikati lilha mill-Istati Membri jew mill-Grupp ta' Ħidma stabbilit taħt l-Artikolu 29 tad-Direttiva 95/46/KE.

Artikolu 15

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Settembru 2007. Huma għandhom minnufih jinformaw lill-Kummissjoni dwarhom. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fil-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-mod kif għandha ssir tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

3.   Sal-15 ta’ Marzu 2009, kull Stat Membru jista' jipproroga l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva għaż-żamma ta' komunikazzjonijiet ta' data relatata ma' l-aċċess ta' l-Internet, tat-telefonija bl-Internet u ta' l-email bl-Internet. Kwalunkwe Stat Membru li jkollu l-ħsieb li jagħmel użu minn dan il-paragrafu għandu, ma' l-adozzjoni ta' din id-Direttiva, javża lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għal dan l-iskop permezz ta' dikjarazzjoni. Id-dikjarazzjoni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidhol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 17

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strasburgu, il-15 ta’ Marzu 2006.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

H. WINKLER


(1)  Opinjoni mogħtija fit-19 ta' Jannar 2006 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-14 ta' Diċembru 2005 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Frar 2006.

(3)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31. Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(4)  ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.

(5)  ĠU L 69, 16.3.2005, p. 67.

(6)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.

(7)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33.


Dikjarazzjoni mill-Olanda

skond l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/24/KE

Fir-rigward tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iż-żamma ta' data pproċessata b'konnessjoni mal-provvista ta' servizzi tal-komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE, l-Olanda ser tkun qed tagħmel użu mill-possibbiltà li tipposponi l-applikazzjoni tad-Direttiva fir-rigward taż-żamma ta' data ta' komunikazzjoni relatata ma' l-aċċess għall-Internet, it-telefonija bl-Internet u l-email bl-Internet, għal perijodu li ma jaqbiżx it-18-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva.


Dikjarazzjoni mill-Awstrija

skond l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/24/KE

L-Awstrija tiddikjara li ser tipposponi l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva fir-rigward taż-żamma ta' data tal-komunikazzjoni relatata ma' l-aċċess għall-Internet, it-telefonija bl-Internet u l-email bl-Internet, għal perijodu ta' 18-il xahar wara d-data speċifikata fl-Artikolu 15(1).


Dikjarazzjoni mill-Estonja

skond l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/24/KE

B'mod konformi ma' l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iż-żamma ta' data ġġenerata jew ipproċessata b'konnessjoni mal-provvista ta' servizzi ta' komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku jew ta' networks pubbliċi tal-komunikazzjoni u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE, l-Estonja b'dan tiddikjara l-intenzjoni tagħha li tagħmel użu minn dak il-paragrafu u li tipposponi l-applikazzjoni tad-Direttiva fir-rigward taż-żamma ta' data tal-komunikazzjoni relatata ma' l-aċċess għall-Internet, it-telefonija bl-Internet u l-email bl-Internet sa 36 xahar wara d-data ta' l-adozzjoni tad-Direttiva.


Dikjarazzjoni mir-Renju Unit

skond l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/24/KE

Ir-Renju Unit jiddikjara b'mod konformi ma' l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva dwar iż-żamma ta' data ġġenerata jew ipproċessata b'konnessjoni mal-provvista ta' servizzi tal-komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku jew ta' networks pubbliċi tal-komunikazzjoni u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE li ser jipposponi l-applikazzjoni ta' dik id-Direttiva fir-rigward taż-żamma ta' data tal-komunikazzjoni relatata ma' l-Aċċess għall-Internet, it-telefonija bl-Internet u l-email bl-Internet.


Dikjarazzjoni mir-Repubblika ta' Ċipru

skond l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/24/KE

Ir-Repubblika ta' Ċipru tiddikjara li ser tipposponi l-applikazzjoni tad-Direttiva fir-rigward taż-żamma ta' data tal-komunikazzjoni relatata ma' l-aċċess għall-Internet, it-telefonija bl-Internet u l-email bl-Internet sad-data ffissata fl-Artikolu 15(3).


Dikjarazzjoni mir-Repubblika Ellenika

skond l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/24/KE

Il-Greċja tiddikjara li, skond l-Artikolu 15(3), ser tipposponi l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva fir-rigward taż-żamma ta' data tal-komunikazzjoni relatata ma' l-aċċess għall-Internet, it-telefonija bl-Internet u l-email bl-Internet sa 18-il xahar wara l-iskadenza tal-perijodu previst fl-Artikolu 15(1).


Dikjarazzjoni mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu

skond l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/24/KE

Skond l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iż-żamma ta' data ġġenerata jew ipproċessata b'konnessjoni mal-provvista ta' servizzi tal-komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku jew ta' networks pubbliċi tal-komunikazzjoni u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE, il-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu jiddikjara li bi ħsiebu jagħmel użu mill-Artikolu 15(3) tad-Direttiva sabiex ikollu l-possibbiltà li jipposponi l-applikazzjoni tad-Direttiva fir-rigward taż-żamma ta' data tal-komunikazzjoni relatata ma' l-aċċess għall-Internet, it-telefonija bl-Internet u l-email bl-Internet.


Dikjarazzjoni mis-Slovenja

skond l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/24/KE

Is-Slovenja qed tingħaqad mal-grupp ta' Stati Membri li għamlu dikjarazzjoni taħt l-Artikolu 15(3) tad-“Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iż-żamma ta' data ġġenerata jew ipproċessata b'konnessjoni mal-provvista ta' servizzi tal-komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku jew ta' networks pubbliċi ta' komunikazzjoni”, għall-posponiment bi 18-il xahar ta' l-applikazzjoni tad-Direttiva fir-rigward taż-żamma ta' data tal-komunikazzjoni relatata ma' l-Internet, it-telefonija bl-Internet u l-email bl-Internet.


Dikjarazzjoni mill-Iżvezja

skond l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/24/KE

Skond l-Artikolu 15(3), l-Iżvezja tixtieq li jkollha l-possibbiltà li tipposponi l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva fir-rigward taż-żamma ta' data tal-komunikazzjoni relatata ma' l-aċċess għall-Internet, it-telefonija bl-Internet u l-email bl-Internet.


Dikjarazzjoni mir-Repubblika tal-Litwanja

skond l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/24/KE

Skond l-Artikolu 15(3) ta' l-abbozz tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iż-żamma ta' data ġġenerata jew ipproċessata b'konnessjoni mal-provvista ta' servizzi tal-komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku jew ta' networks pubbliċi tal-komunikazzjoni u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE (minn hawn 'l quddiem id-“Direttiva”), ir-Repubblika tal-Litwanja tiddikjara li ladarba d-Direttiva tiġi adottata hi ser tipposponi l-applikazzjoni tagħha fir-rigward taż-żamma ta' data tal-komunikazzjoni relatata ma' l-Aċċess għall-Internet, it-telefonija bl-Internet u l-email bl-Internet għall-perijodu previst fl-Artikolu 15(3).


Dikjarazzjoni mir-Repubblika tal-Latvja

skond l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/24/KE

Il-Latvja tiddikjara b'mod konformi ma' l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/24/KE tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar iż-żamma ta' data ġġenerata jew ipproċessata b'konnessjoni mal-provvista ta' servizzi tal-komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku jew ta' networks pubbliċi tal-komunikazzjoni u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE li ser tipposponi l-applikazzjoni tad-Direttiva fir-rigward taż-żamma ta' data tal-komunikazzjoni relatata ma' l-aċċess għall-Internet, it-telefonija bl-Internet u l-email bl-Internet sal-15 ta’ Marzu l-2009.


Dikjarazzjoni mir-Repubblika Ċeka

skond l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/24/KE

Skond l-Artikolu 15(3), ir-Repubblika Ċeka b'dan tiddikjara li qed tipposponi l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva fir-rigward taż-żamma ta' data tal-komunikazzjoni relatata ma' l-aċċess għall-Internet, it-telefonija bl-Internet u l-email bl-Internet sa 36 xahar wara d-data ta' l-adozzjoni tagħha.


Dikjarazzjoni mill-Belġju

skond l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/24/KE

Il-Belġju jiddikjara li, filwaqt li jagħmel użu mill-possibbiltà disponibbli taħt l-Artikolu 15(3), hu ser jipposponi l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, għal perijodu ta' 36 xahar wara l-adozzjoni tagħha, fir-rigward taż-żamma ta' data tal-komunikazzjoni relatata ma' l-Aċċess għall-Internet, it-telefonija bl-Internet u l-email bl-Internet.


Dikjarazzjoni mir-Repubblika tal-Polonja

skond l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/24/KE

Il-Polonja b'dan tiddikjara li bi ħsiebha tagħmel użu mill-possibbiltà prevista taħt l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iż-żamma ta' data pproċessata b'konnessjoni mal-provvista ta' servizzi tal-komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubblika u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE u tipposponi l-applikazzjoni tad-Direttiva għaż-żamma ta' data tal-komunikazzjoni relatata ma' l-aċċess għall-Internet, it-telefonija bl-Internet u l-email bl-Internet għal perijodu ta' 18-il xahar wara d-data speċifikata fl-Artikolu 15(1).


Dikjarazzjoni mill-Finlandja

skond l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/24/KE

F'konformità ma' l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva dwar iż-żamma ta' data ġġenerata jew ipproċessata f'konnessjoni mal-forniment ta' servizzi ta' komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku jew ta' networks ta' komunikazzjoni pubbliċi u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE, il-Finlandja tiddikjara li ser tipposponi l-applikazzjoni ta' dik id-Direttiva dwar iż-żamma ta' data ta' komunikazzjoni relatata ma' l-aċċess għall-Internet, it-telefonija bl-Internet u l-email bl-Internet.


Dikjarazzjoni mill-Ġermanja

skond l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/24/KE

Il-Ġermanja żżomm id-dritt, li tipposponi l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva fir-rigward taż-żamma ta' data ta' komunikazzjoni relatata ma' l-aċċess għall-Internet, it-telefonija bl-Internet u l-email bl-Internet, għal perijodu ta' 18-il xahar wara d-data speċifikata fl-Artikolu 15(1), l-ewwel sentenza.


Rettifika

13.4.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

64


Rettifika għar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2028/2004 tas-16 ta' Novembru 2004 li jemenda r-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000 li jimplimenta d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet

( Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea L 352 tas-27 ta’ Novembru 2004 )

1.

Paġna 4, punt 5 (f) (bidla ta' l-Artikolu 10 (4) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000), it-tieni sentenza

Flok:

“Madankollu, il-bażi tar-riżorsi tal-VAT ta’ kull Stat Membru li għalih tiġi applikata r-rata ta’ hawn fuq ma jistax jaqbeż il-persentaġġ tal-GNP tiegħu determinat bl-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 2000/597/KE, Euratom, kif imsemmi fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu.”

Aqra:

“Madankollu, il-bażi tar-riżorsi tal-VAT ta’ kull Stat Membru li għalih tiġi applikata r-rata ta’ hawn fuq ma jistax jaqbeż il-persentaġġ tal-GNP tiegħu determinat bl-Artikolu 2(1) (ċ) tad-Deċiżjoni 2000/597/KE, Euratom, kif imsemmi fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu.”

2.

Paġna 5, punt 7 (bidla ta' l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE, Euratom Nru 1150/2000), it-tieni paragrafu, l-ewwel sub-paragrafu

Flok:

“Fil-każ ta’ Stati Membri li jagħmlu parti mill-Unjoni Ekonomika u Monetarja, ir-rata ta’ l-interessi għandha tkun daqs ir-rata kif pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea, serje C, li l-Bank Ċentrali Ewropew applika għall-operazzjonijiet tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid, …”

Aqra:

“Fil-każ ta’ Stati Membri li jagħmlu parti mill-Unjoni Ekonomika u Monetarja, ir-rata ta’ l-interessi għandha tkun daqs ir-rata kif pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea, serje C, li l-Bank Ċentrali Ewropew applika għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid, …”

3.

Paġna 7, punt 16 (dħul ta' Titolu IX b' Artikolu 21a fir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000)

Flok:

“Artikolu 21a

Ir-rata prevista fl-Artikolu 11 ta' dan ir-Regolament għandha tkompli tapplika għall-kalkolu ta’ interessi għall-ħlasijiet tardivi fejn id-data dovuta taħbat qabel it-tmiem tax-xahar li fih jidħol fis-seħħ ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2028/2004 tas-16 ta' Novembru 2004 li jemenda r-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000 li jimplimenta d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet (*).

Aqra:

“Artikolu 21a

Ir-rata prevista fl-Artikolu 11 ta' dan ir-Regolament fil-verżjoni tiegħu ta' qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) 2028/2004 tas-16 ta' Novembru 2004 li jemenda r-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000 li jimplimenta d-Deċiżjoni 94/728 KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet (**) għandha tkompli tapplika għall-kalkolu ta’ interessi għall-ħlasijiet tardivi fejn id-data dovuta taħbat qabel it-tmiem tax-xahar li fih jidħol fis-seħħ l-imsemmi Regolament (KE, Euratom) 2028/2004.



13.4.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

65


Rettifika għad-Direttiva 2005/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar it-tniġġiż ikkawżat minn vapuri u l-introduzzjoni ta' sanzjonijiet għal ksur

( Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea L 255 tat-30 ta' Settembru 2005 )

Paġna 11, taħt it-titolu,

It-test li ġej jiddaħħal taħt it-titolu:

“(Test b' relevanza għaż-ŻEE)”

Paġna 3, Premessa (8)

Flok:

Dan il-ksur huwa kkunsidrat bħala offiża kriminali skond, u fiċ-ċirkostanzi pprovdut għalhekk fid-Deċiżjoni Kwadru 2005/667/ĠIA li tissupplimenta din id-Direttiva.

Aqra:

Dan il-ksur huwa kkunsidrat bħala reat kriminali skond, u fiċ-ċirkostanzi pprovdut għalhekk fid-Deċiżjoni Kwadru 2005/667/ĠIA li tissupplimenta din id-Direttiva.

Paġna 13, Artikolu 4, it-tieni frażi

Flok:

“Dan il-ksur huwa meqjus bħala offiża kriminali skond, u fiċ-ċirkustanzi pprovdut għalhekk fid-Deċiżjoni Kwadru 2005/667/ĠAI li tissupplimenta din id-Direttiva.”

Aqra:

“Dan il-ksur huwa meqjus bħala reat kriminali skond, u fiċ-ċirkustanzi pprovduti għalhekk fid-Deċiżjoni Kwadru 2005/667/ĠAI li tissupplimenta din id-Direttiva”.


13.4.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

66


Għad-Direttiva 96/74/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1996 dwar ismijiet ta’ tessuti

( Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea L 32 tas-3 ta' Frar 1997, p. 38 )

(Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Volum 18, p. 226)

Paġna 48 (Edizzjoni Speċjali paġna 226) Anness II, it-tielet kolonna, item 19

Flok:

“19

Aċeta

19,00”

Aqra:

“19

Aċeta

9,00”