ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 334A

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 60
6 ta' Ottubru 2017


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2017/C 334 A/01

Pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ post battal fil-funzjoni ta’ Direttur (AD 14) — Brussell (l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal) — COM/2017/10376

1


MT

 


V Avviżi

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

Il-Kummissjoni Ewropea

6.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 334/1


Pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ post battal fil-funzjoni ta’ Direttur (AD 14) — Brussell

(l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal)

COM/2017/10376

(2017/C 334 A/01)

 

Min aħna

Fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp (DĠ DEVCO) huwa responsabbli għall-formulazzjoni tal-politika tal-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea u l-implimentazzjoni tal-istrumenti ta’ għajnuna esterna tal-UE. Id-DĠ DEVCO jippromwovi l-koerenza bejn il-politika għall-iżvilupp tal-UE u l-politiki interni u esterni oħrajn. Imexxi djalogi dwar il-kooperazzjoni u l-iżvilupp ma’ donaturi bilaterali li mhumiex tal-UE, l-ekonomiji emerġenti u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali.

Id-DĠ DEVCO huwa responsabbli biex jiddefinixxi l-politiki fil-qasam tal-azzjoni esterna, f’konformità mal-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp. Barra minn hekk, id-DĠ DEVCO jrawwem il-koordinazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha dwar il-kooperazzjoni fl-iżvilupp u dan jiżgura r-rappreżentanza esterna tal-Unjoni Ewropea f’dan il-qasam.

Id-DĠ DEVCO huwa responsabbli, waħdu jew flimkien mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, għall-ipprogrammar pluriennali u l-implimentazzjoni tal-istrumenti esterni tal-UE, fil-qasam li jaqa’ taħt il-kompetenza tiegħu, li huma ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ).

Id-DĠ DEVCO jimplimenta l-politika ta’ kooperazzjoni b’mod devolut permezz ta’ Delegazzjonijiet tal-UE f’pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali. Għal dan il-għan, huwa jiddefinixxi, jistabbilixxi u jmexxi s-sistemi ta’ amministrazzjoni, superviżjoni, appoġġ u kontroll meħtieġa biex jiġu żgurati l-ogħla livelli ta’ regolarità, kwalità, impatt u viżibilità għall-programmi implimentati.

Id-Direttorat għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp (DEVCO.A) huwa responsabbli milli jipprovdi l-analiżi u l-formulazzjoni tal-politika fi ħdan id-DĠ DEVCO fuq kwistjonijiet ta’ żvilupp globali. B’mod partikolari jkopri (i) Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, politika u koerenza (ii) finanzjament ta’ żvilupp u effikaċja u relazzjonijiet ma’ Stati Membri tal-UE, (iii) appoġġ baġitarju, immaniġġjar ta’ finanzi pubbliċi, mobilizzazzjoni ta’ dħul domestiku u (iv) relazzjonijiet ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u djalogu ta’ żvilupp ma’ donaturi oħrajn kif ukoll (v) Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili u fondazzjonijiet. Dan jiżgura rappreżentazzjoni f’fora internazzjonali dwar kwistjonijiet ta’ żvilupp.

Id-Direttorat A jsegwi wkoll l-iżviluppi baġitarji u legali relatati mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali, b’mod partikolari kwistjonijiet relatati mal-azzjoni esterna, kif ukoll l-Istrumenti ta’ Finanzjament Estern (EFIs), inkluż il-FEŻ, għall-implimentazzjoni ta’ għajnuna esterna u jikkoordina l-ipprogrammar pluriennali ta’ FEŻ taħt ir-responsabbiltà tad-DĠ DEVCO.

Nipproponu

Ir-rwol tad-Direttur huwa li jiżgura l-orjentazzjoni strateġika globali u l-immaniġġjar tad-Direttorat, taħt il-gwida tad-Direttur Ġenerali; Huwa se jkun responsabbli biex jiżgura li d-Direttorat jakkwista l-fiduċja tas-sħab tiegħu u jissodisfa r-rwol maħsub tiegħu li jikkontribwixxi għat-trasformazzjoni tad-Direttorat Ġenerali f’ċentru ta’ eċċellenza għall-politika tal-iżvilupp u l-immaniġġjar tal-għajnuna esterna fir-rwol u l-missjoni tal-Kummissjoni Ewropea u, meta jkun rilevanti, f’kooperazzjoni mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

Id-Direttorat jipprovdi gwida u appoġġ għall-immaniġġjar tal-operazzjonijiet ta’ appoġġ baġitarju u programmi oħra tad-DEVCO, pereżempju biex jappoġġa l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

In-numru totali tal-persunal fid-Direttorat huwa ta’ madwar 85 persuna.

X’qed infittxu

Il-kandidat ideali għandu jkollu:

Kwalitajiet ta’ tmexxija b’saħħithom, ġudizzju sod u ħiliet analitiċi b’saħħithom, li juri kapaċità żviluppata sew ta’ riflessjoni strateġika u l-kapaċità li jiġġenera ideat innovattivi u kreattivi;

Ħiliet ippruvati ta’ mmaniġġjar, li jkun kapaċi jmexxi u jimmotiva timijiet multidixxiplinarji ta’ persunal bi kwalifiki għoljin kbar, jistabbilixxi l-prijoritajiet u jieħu d-deċiżjonijiet;

Għarfien tajjeb tal-politika barranija u tal-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea, l-istrumenti finanzjarji użati mill-Kummissjoni Ewropea, inklużi l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, l-Istrument ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp kif ukoll programmi tematiċi u reġjonali;

Għarfien u kompetenza estensivi fil-qasam tal-politika barranija, il-kooperazzjoni internazzjonali, l-iżvilupp u l-għajnuna esterna; esperjenza fil-qasam ikun ta’ vantaġġ;

Għarfien ġenerali tajjeb tal-politiki tal-Unjoni Ewropea u l-proċessi tat-tfassil tal-politika u tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Unjoni Ewropea;

Għarfien ta’ u esperjenza ta’ mmaniġġjar tal-baġit, tal-finanzi u tar-riżorsi umani;

Esperjenza ppruvata fl-ifformular u fl-implimentar ta’ politiki jew leġiżlazzjoni effiċjenti u effettivi;

Ħiliet ippruvati ta’ negozjar, komunikazzjoni u ħiliet ta’ koordinazzjoni, kapaċità li jiddiskuti b’mod effettiv ma’ partijiet ikkonċernati interni u esterni f’livell għoli, inkluża esperjenza solida fil-koordinazzjoni u/jew in-negozjar fil-livell interistituzzjonali jew internazzjonali.

Il-kandidati jridu jkunu (il-kriterji tal-eliġibbiltà)

Il-kandidati jridu jilħqu l-kriterji formali li ġejjin sal-iskadenza tal-applikazzjonijiet:

Ċittadinanza: il-kandidati jridu jkunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

Lawrja jew diploma universitarji: jeħtieġ li l-kandidati jkollhom:

(i)

jew livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmuma ċċertifikati b’diploma, meta l-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta’ erba’ (4) snin jew aktar;

(ii)

inkella livell ta’ edukazzjoni, li jikkorrispondi għal studji universitarji kompluti ċċertifikati b’diploma u esperjenza professjonali xierqa ta’ mill-inqas sena (1) meta l-perjodu normali ta’ edukazzjoni universitarja jkun tal-inqas tliet (3) snin (din is-sena ta’ esperjenza professjonali ma tistax tkun inkluża fl-esperjenza professjonali post-universitarja meħtieġa hawn taħt).

Esperjenza professjonali: il-kandidati jrid ikollhom minn tal-inqas 15-il sena esperjenza professjonali post-universitarja f’livell li jagħti aċċess għall-kwalifiki msemmija hawn fuq (1).

Esperjenza ta’ mmaniġġjar: mill-inqas ħames (5) snin minn dik l-esperjenza professjonali jridu jkunu nkisbu f’funzjoni maniġerjali ta’ livell għoli (2) u jridu jkunu direttament relatati ma’ qasam li jkun rilevanti għal din il-pożizzjoni.

Lingwi: ikollhom għarfien tajjeb ħafna ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3) u għarfien adegwat ta’ lingwa uffiċjali oħra minn dawn il-lingwi. Matul l-intervista/intervisti, il-bordijiet tal-għażla jivverifikaw jekk il-kandidati jikkonformawx mar-rekwiżit ta’ għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa uffiċjali oħra tal-UE. Dan jista’ jinkludi li parti mill-intervista ssir f’din il-lingwa l-oħra.

Limitu tal-età: ma jkunux għadhom laħqu l-età regolari tal-irtirar, li għall-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea hija ddefinita bħala l-aħħar tax-xahar li fih il-persuna tkun għalqet is-66 sena (ara l-Artikolu 52 lit (a) tar-Regolamenti tal-Persunal) (4).

Indipendenza u dikjarazzjoni tal-interessi

L-applikanti huma mitluba jiddikjaraw l-impenn tagħhom li jaġixxu b’mod indipendenti fl-interess pubbliku u jiddikjaraw kwalunkwe interess li jista’ jiġi kkunsidrat li jippreġudika l-indipendenza tagħhom.

Il-ħatra u l-kundizzjonijiet tal-impjieg

Il-Kummissjoni Ewropea se tagħżel u taħtar id-Direttur skont il-proċeduri ta’ għażla u reklutaġġ tagħha (ara wkoll il-Compilation Document on Senior Officials Policy (5)). Bħala parti minn dan il-proċess tal-għażla, il-kandidati li jkunu ġew mistiedna għal intervista mill-Kumitat Konsultattiv tal-Kummissjoni għall-Ħatriet, ikollhom, qabel din l-intervista, jipparteċipaw f’ċentru ta’ valutazzjoni mmexxi minn konsulenti esterni ta’ reklutaġġ.

Għal raġunijiet funzjonali u sabiex il-proċedura tal-għażla titlesta malajr kemm jista’ jkun fl-interess tal-kandidati kif ukoll tal-istituzzjoni, il-proċedura tal-għażla se ssir biss bl-Ingliż u/jew bil-Franċiż (6).

Is-salarji u l-kundizzjonijiet tal-impjieg huma dawk stipulati fir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali fil-grad AD 14 tal-Unjoni Ewropea. Il-kandidati għandhom jinnotaw ir-rekwiżit skont ir-Regolamenti tal-Persunal għall-persunal kollu ġdid li jwettaq b’suċċess perjodu ta’ prova ta’ disa’ xhur.

Id-Direttur huwa bbażat fi Brussell.

Opportunitajiet indaqs

Il-Kummissjoni Ewropea timxi b’politika ta’ opportunitajiet indaqs bil-għan li tkompli żżid is-sehem tan-nisa f’pożizzjonijiet maniġerjali u b’mod partikolari tħajjar lin-nisa biex japplikaw.

Proċedura ta’ applikazzjoni

Qabel ma tissottometti l-applikazzjoni tiegħek, għandek tiċċekkja b’attenzjoni jekk tissodisfax il-kriterji ta’ eliġibbiltà kollha (“Il-kandidati jridu”), b’mod partikolari dawk rigward it-tip ta’ diplomi meħtieġa; l-esperjenza professjonali u maniġerjali kif ukoll il-kapaċità lingwistika tiegħek. Min ma jissodisfax dawn il-kriterji tal-eliġibbiltà jiġi eskluż awtomatikament mill-proċedura tas-selezzjoni.

Jekk tixtieq tapplika, trid tirreġistra permezz tal-internet billi tmur fis-sit web:

https://ec.europa.eu/dgs/human-resources/seniormanagementvacancies/

u ssegwi l-istruzzjonijiet li ssib hemm dwar id-diversi stadji tal-proċedura.

Irid ikollok indirizz tal-posta elettronika validu. Dan jintuża biex tiġi identifikata r-reġistrazzjoni tiegħek kif ukoll biex jinżamm kuntatt miegħek matul l-istadji differenti tal-proċess tal-għażla. Għaldaqstant, informa lill-Kummissjoni Ewropea b’kull bidla fl-indirizz tal-posta elettronika tiegħek.

Biex l-applikazzjoni tiegħek tkun kompluta, jeħtieġ li ttella’ CV fil-format PDF u li timla ittra ta’ motivazzjoni online (massimu ta’ 8 000 karattru).

Meta tlesti r-reġistrazzjoni online tiegħek, tirċievi ittra elettronika li tikkonferma li l-applikazzjoni tiegħek ġiet irreġistrata. L-ittra elettronika jkun fiha wkoll numru ta’ reġistrazzjoni li jkun in-numru ta’ referenza tiegħek f’kull kwistjoni li tirrigwarda l-applikazzjoni tiegħek. Jekk ma tirċievi l-ebda konferma bil-posta elettronika, l-applikazzjoni tiegħek ma tkunx ġiet irreġistrata!

Kun af li mhuwiex possibbli li timmonitorja l-progress tal-applikazzjoni tiegħek online. Inti tiġi kkuntattjat dwar l-istatus tal-applikazzjoni tiegħek direttament mill-Kummissjoni Ewropea.

Jekk għandek xi diżabbiltà li minħabba fiha ma jkunx possibbli għalik li tirreġistra online, tista’ tibgħat l-applikazzjoni tiegħek (is-CV u l-ittra ta’ motivazzjoni) fuq karta bil-posta rreġistrata f’dan l-indirizz: European Commission, Directorate-General for Human Resources and Security, Unit for Senior Management and CCA, SC11 8/59, 1049 Bruxelles/Brussel, BELGIQUE/BELGIË, u indika b’mod ċar bħala referenza: Vacancy for a Director in DG DEVCO (COM/2017/10376), u l-ittra trid tkun ittimbrata mhux aktar tard mid-data tal-għeluq tar-reġistrazzjoni. Kull komunikazzjoni sussegwenti bejnek u bejn il-Kummissjoni tkun bil-posta. F’dan il-każ, mal-applikazzjoni tiegħek trid tehmeż ċertifikat maħruġ minn entità rikonoxxuta, li jiċċertifika d-diżabbiltà tiegħek. Għandek tispjega wkoll, fuq folja separata, kull arranġament speċjali li taħseb li jkun meħtieġ biex jiffaċilita l-parteċipazzjoni tiegħek fis-selezzjoni.

Għal aktar informazzjoni u/jew fil-każ ta’ problemi tekniċi, ibgħat ittra permezz tal-posta elettronika lil: HR-SM-Vacancies@ec.europa.eu

Data tal-Għeluq

Id-data tal-għeluq għar-reġistrazzjoni hija s-6 ta’ Novembru 2017, f’nofsinhar (12.00) ħin ta’ Brussell, u wara dan ir-reġistrazzjoni online ma tkunx tista’ ssir aktar.

Hija r-responsabbiltà tiegħek li tlesti r-reġistrazzjoni online tiegħek fil-ħin. Nirrakkomandaw bil-qawwa li ma tistenniex sal-aħħar ftit jiem biex tapplika, għaliex konġestjoni kbira jew xi difett fil-konnessjoni tal-Internet tiegħek jistgħu jwasslu biex ir-reġistrazzjoni online tieqaf qabel ma tkun lestejtha, u b’hekk ikollok tirrepeti l-proċess kollu. Ladarba jiskadi ż-żmien għas-sottomissjoni tar-reġistrazzjonijiet, ma tkunx tista’ tibdel jew iżżid xi dejta. Ir-reġistrazzjonijiet li jaslu tard ma jiġux aċċettati.

Informazzjoni importanti għall-kandidati

Il-kandidati huma mfakkra li l-ħidma tal-kumitati ta’ selezzjoni hija kunfidenzjali. Kull kuntatt dirett jew indirett mill-kandidati jew minn xi ħadd ieħor li jaġixxi f’isimhom ma’ dawn il-kumitati huwa pprojbit.

Protezzjoni ta’ dejta personali

Il-Kummissjoni tiżgura li d-dejta personali tal-kandidati tiġi proċessata f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (7).


(1)  L-esperjenza professjonali tingħadd mid-data li fiha l-kandidat ikun kiseb il-kwalifika minima għal aċċess għall-profil inkwistjoni. Attivitajiet professjonali dokumentati kif xieraq biss (jiġifieri impjieg imħallas jew impjieg indipendenti) jiġu kkunsidrati. Xogħol part-time se jitqies fi proporzjon mal-perċentwal ta’ sigħat ta’ xogħol full-time maħduma. Perjodi ta’ edukazzjoni jew taħriġ u apprendistati bla ħlas ma jitqisux. Boroż ta’ studju, attività ffinanzjata permezz ta’ għotjiet kif ukoll Dottorati jistgħu jitqiesu bħala esperjenza professjonali sa massimu ta’ tliet snin.

(2)  Fis-CVs tagħhom l-applikanti għandhom jindikaw, għall-inqas għal dawn il-ħames snin li fihom ikunu kisbu l-esperjenza maniġerjali ta’ livell għoli: (1) it-titlu u r-rwol tal-pożizzjonijiet maniġerjali li jkunu okkupaw; (2) l-għadd ta’ persunal li jkunu mexxew f’dawn il-pożizzjonijiet; (3) id-daqs tal-baġits immaniġġjati; u (4) l-għadd ta’ livelli ġerarkiċi ‘l fuq u ‘l isfel u l-għadd ta’ kollegi fl-istess livell ġerarkiku.

(3)  http://ec.europa.eu/education/official-languages-eu-0_mt

(4)  http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CONSLEG:1962R0031:20140101:MT:PDF

(5)  http://ec.europa.eu/civil_service/docs/official_policy_en.pdf

(6)  Il-bord tal-għażla jiżgura li ma jingħata l-ebda vantaġġ inġust lill-kelliema nattivi ta’ dawn il-lingwi.

(7)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1