ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 204A

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 60
28 ta' Ġunju 2017


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2017/C 204 A/01

Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) — Pubblikazzjoni għal post battal fil-funzjoni ta’ Direttur Ġenerali (Grad AD15) — Brussell — Ingaġġ ta’ Aġent Temporanju — Artikolu 2(a) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra — COM/2017/10373

1


MT

 


V Avviżi

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

Il-Kummissjoni Ewropea

28.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 204/1


Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF)

Pubblikazzjoni għal post battal fil-funzjoni ta’ Direttur Ġenerali (Grad AD15) — Brussell

Ingaġġ ta’ Aġent Temporanju — Artikolu 2(a) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra

COM/2017/10373

(2017/C 204 A/01)

Il-Kummissjoni Ewropea qed tfittex li tingaġġa d-Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) bħala Aġent Temporanju għad-durata ta’ seba’ snin.

Min aħna

Il-ġlieda kontra l-frodi u attivitajiet illegali oħrajn li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea hija ċentrali għall-kredibilità tal-proġett Ewropew.

Sa issa, l-OLAF, li huwa Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea, jinvestiga allegazzjonijiet ta’ frodi u attivitajiet illegali oħrajn b’konsegwenzi finanzjarji għall-Baġit Ewropew, u b’mod aktar ġenerali, jeżerċita l-kompetenzi operattivi tal-Kummissjoni fil-qasam tal-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea, jipprovdi assistenza lill-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-frodi u jipprepara l-inizjattivi leġiżlattivi u regolatorji tal-Kummissjoni f’dan il-qasam.

Id-Direttur Ġenerali tal-OLAF għandu indipendenza statutorja fit-twettiq tal-investigazzjonijiet. Il-poteri ta’ investigazzjoni indipendenti tal-OLAF jestendu għall-Istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-UE, kif ukoll għall-operaturi ekonomiċi li għandhom relazzjoni mal-baġit tal-Unjoni Ewropea kemm fl-Istati Membri kif ukoll f’pajjiżi terzi.

Lil hinn mill-attivitajiet investigattivi li għalihom OLAF għandu indipendenza sħiħa, l-OLAF jaġixxi bħal Direttorati Ġenerali oħra tal-Kummissjoni fit-tfassil u t-twettiq ta’ politiki fil-qasam ta’ kompetenza tiegħu, taħt id-direzzjoni politika tal-Kummissjoni.

L-implimentazzjoni tal-funzjoni investigattiva tiegħu hija ssorveljata minn Kumitat Superviżorju magħmul minn ħames persuni indipendenti li huma esterni mill-Kummissjoni.

Il-qafas ġuridiku li jistabbilixxi l-objettivi u l-kompiti tal-OLAF, kif ukoll il-funzjonament tiegħu jista’ jinsab fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

Nipproponu

Id-Direttur Ġenerali huwa responsabbli, b’indipendenza sħiħa, għall-attività investigattiva tal-OLAF.

Id-Direttur Ġenerali għandu jirrapporta regolarment lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri dwar is-sejbiet ta’ investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċċju, l-azzjoni meħuda u l-problemi li kien hemm, filwaqt li jirrispetta l-kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet, id-drittijiet leġittimi tal-persuni kkonċernati u tal-informanti, u, fejn ikun xieraq, il-liġi nazzjonali applikabbli għal proċedimenti ġudizzjarji.

Id-Direttur Ġenerali għandu jiddetermina kull sena, fil-kuntest tal-pjan ta’ ġestjoni annwali, il-prijoritajiet tal-politika ta’ investigazzjoni tal-Uffiċċju u għandu, qabel il-pubblikazzjoni tagħhom, jibgħathom lill-Kumitat ta’ Sorveljanza.

Id-Direttur Ġenerali għandu jżomm il-Kumitat ta’ Sorveljanza perjodikament informat dwar l-attivitajiet tal-Uffiċċju, l-implimentazzjoni tal-funzjoni investigattiva tiegħu u l-azzjoni meħuda permezz ta’ segwitu għall-investigazzjonijet sabiex jippermetti lill-Kumitat ta’ Sorveljanza biex jissodisfa l-funzjonijiet tiegħu u jivvaluta l-prestazzjoni f’dan il-qasam.

Barra minn hekk, u taħt is-sorveljanza tal-Kummissarju responsabbli għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea, id-Direttur Ġenerali jmexxi l-kontribut tal-OLAF għat-tfassil tal-istrateġija tal-Kummissjoni kontra l-frodi; huwa responsabbli wkoll mill-assistenza li jagħti l-OLAF lill-Istati Membri u jorganizza kooperazzjoni mill-qrib u regolari bejn l-awtoritajiet kompetenti tagħhom sabiex jikkoordina attivitajiet bil-għan li jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea permezz tat-tfassil u l-iżvilupp ta’ metodi għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-frodi.

Id-Direttur Ġenerali jmexxi l-OLAF skont id-dikjarazzjoni tal-missjoni tiegħu u l-programm tal-ħidma operattiva annwali stabbiliti taħt l-awtorità tiegħu/tagħha.

Id-Direttur Ġenerali ser ikun responsabbli għal Direttorat Ġenerali li jinkludi erba’ Direttorati u kważi 500 impjegat. Din il-persuna se tamministra baġit ta’ madwar EUR 80 miljun. Din il-persuna se tħejji u tressaq abbozz tal-baġit preliminari indipendenti li għalih ser tkun l-uffiċjal li jawtorizza.

Fl-ambitu tat-termini tal-Artikolu 17, il-paragrafu 1 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013, il-mandat tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF huwa ta’ seba’ snin mhux rinovabbli.

X’qed infittxu

L-applikanti għandhom:

Ikollhom esperjenza professjonali sinifikanti u suċċess ipprovat fl-oqsma marbutin mal-attivitajiet tal-OLAF; prova ta’ għarfien espert jew ta’ esperjenza f’pożizzjoni ġudizzjarja ta’ livell għoli jew pożizzjoni eżekuttiva ta’ investigażżjoni ta’ livell għoli jkun ta’ vantaġġ, filwaqt li esperjenza fil-livell internazzjonali se titqies bħala vantaġġ;

Juru kisbiet sodi bħala mexxej, maniġer u komunikatur, f’livelli amministrattivi strateġiċi u interni, li jinvolvu t-tmexxija ta’ timijiet u riżorsi finanzjarji kbar;

Ikollhom għarfien eċċellenti tal-kwistjonijiet prinċipali legali u prattiċi li jistgħu jinqalgħu fil-ġlieda kontra l-frodi u proċedimenti kriminali f’dan il-qasam;

Ikunu professjonisti eċċezzjonali u dinamiċi li jagħmlu ġudizzju tajjeb u b’ħila kunċettwali għolja bil-kapaċità li jiżviluppaw viżjoni strateġika ċara għall-kisba tal-għanijiet tal-OLAF;

Ikollhom ħiliet interpersonali, ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, ta’ komunikazzjoni u ta’ negozjar eċċellenti u jkunu kapaċi jibnu relazzjonijiet ta’ ħidma fdati mal-partijiet ikkonċernati;

Ikollhom l-abbiltà li jaħdmu f’ambjent multikulturali kumpless u li jħeġġu u jiżviluppaw timijiet li jaħdmu sal-massimu tal-potenzjal tagħhom;

Juru l-ftehim u l-impenn tagħhom għall-indipendenza u għall-ħarsien tad-drittijiet fundamentali meħtieġa fir-rwol ta’ investigazzjoni;

Ikollhom għarfien eċċellenti tal-qafas istituzzjonali u legali tal-Unjoni.

L-applikanti jridu

1.

Ikunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-UE.

2.

Ikollhom:

(i)

jew livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji li tlestew, iċċertifikati b’diploma meta l-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta’ erba’ snin jew aktar.

(ii)

jew livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji li tlestew, iċċertifikati b’diploma, u esperjenza professjonali adegwata ta’ mill-inqas sena, meta l-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta’ mill-inqas tliet snin.

3.

Ikollhom mill-inqas 15-il sena esperjenza professjonali post-universitarja miksuba wara t-tlestija tal-kwalifikazzjonijiet u kwalunkwe esperjenza neċessarja msemmija fil-punt 2 ta’ hawn fuq, preferibbilment f’qasam relevanti tal-missjoni tal-OLAF. Mill-inqas ħames snin minn din l-esperjenza professjonali jridu jkunu nkisbu f’funzjoni maniġerjali ta’ livell għoli (2) u għandu jkollhom ukoll xi esperjenza diretta f’qasam relatat ma’ din il-kariga.

4.

Ikollhom għarfien tajjeb ħafna ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u għarfien adegwat ta’ lingwa uffiċjali oħra minn fost dawn il-lingwi (3). Matul l-intervista/intervisti, il-bordijiet tas-selezzjoni se jivverifikaw jekk l-applikanti jikkonformawx mar-rekwiżit ta’ għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa uffiċjali oħra tal-UE. Dan jista’ jinkludi li parti mill-intervista ssir f’din il-lingwa l-oħra.

5.

Ikunu jistgħu jlestu l-mandat sħiħ ta’ seba’ snin qabel ma jilħqu l-età tal-irtirar, li għal aġenti temporanji tal-Unjoni Ewropea, hija ddefinita bħala l-aħħar tax-xahar li fih il-persuna tagħlaq is-66 sena (ara l-Artikolu 47 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea u l-Art. 52 lit (a) tar-Regolamenti tal-Persunal (4)), li tista’, b’mod eċċezzjonali, tiġi estiża sal-età ta’ 70 sena.

Indipendenza u dikjarazzjoni tal-interessi

L-applikanti huma mitluba jiddikjaraw l-impenn tagħhom li jaġixxu b’mod indipendenti fl-interess pubbliku u jiddikjaraw kwalunkwe interess li jista’ jiġi kkunsidrat li jippreġudika l-indipendenza tagħhom.

Il-ħatra u l-kundizzjonijiet tal-impjieg

Id-Direttur Ġenerali se jiġi ingaġġat mill-Kummissjoni Ewropea bħala Aġent Temporanju wara proċedura tas-selezzjoni mwettqa kif deskritt fid-Dokument ta’ Kompilazzjoni dwar il-Politika għall-Uffiċjali b’Kariga Għolja (Compilation Document on Senior Officials Policy) (5), wara li l-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF ikun ta opinjoni favorevoli dwar il-proċedura tas-selezzjoni applikata mill-Kummissjoni Ewropea u wara konsultazzjonijiet mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill.

Waqt dan il-proċess tas-selezzjoni, l-applikanti li ġew mistiedna għal intervista mill-Kumitat Konsultattiv għall-Ħatriet tal-Kummissjoni Ewropea jkollhom jipparteċipaw, qabel din l-intervista, f’ċentru ta’ valutazzjoni ta’ ġurnata sħiħa mmexxi minn konsulenti esterni ta’ reklutaġġ.

Għal raġunijiet funzjonali u sabiex il-proċedura tas-selezzjoni titlesta malajr kemm jista’ jkun fl-interess tal-applikanti kif ukoll dak tal-istituzzjoni, il-Kummissjoni Ewropea twettaq il-proċedura tas-selezzjoni bl-Ingliż u/jew bil-Franċiż biss. Hija tiżgura li ma jingħata l-ebda vantaġġ lil kelliema nattivi ta’ dawn iż-żewġ lingwi.

Wara l-proċess tas-selezzjoni, il-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF għandu jintalab jagħti l-opinjoni tiegħu dwar il-proċedura tas-selezzjoni applikata. Wara li tkun ingħatat opinjoni favorevoli, il-Kummissjoni tfassal lista ta’ ismijiet ta’ applikanti kkwalifikati kif xieraq li jistgħu jeżerċitaw il-funzjoni ta’ Direttur Ġenerali tal-OLAF. Din il-lista se tkun trażmessa lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għall-konsultazzjoni. L-applikanti jistgħu jintalbu jippreżentaw lilhom infushom quddiem kumitat(i) kompetenti fil-Parlament Ewropew u/jew quddiem il-Kunsill u jwieġbu mistoqsijiet li jistgħu jitressqu f’dawk l-okkażjonijiet.

L-applikant magħżul jiġi impjegat mill-Kummissjoni bħala Aġent Temporanju skont l-Artikolu 2(a) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra (6). Is-salarji u l-kondizzjonijiet ta’ impjieg huma dawk ta’ Aġent Temporanju fi grad AD15 li jokkupa l-funzjoni li tikkorrispondi għall-kariga bażika ta’ Direttur Ġenerali.

L-applikanti għandhom jinnotaw ir-rekwiżit, skont il-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra għall-persunal ġdid kollu, li jitwettaq b’suċċess perjodu ta’ prova ta’ disa’ xhur.

Din il-ħatra ser issir fi Brussell. Huwa mistenni li l-applikant magħżul jibda’ l-obbligi tiegħu fi Frar tal-2018.

Opportunitajiet indaqs

Il-Kummissjoni Ewropea tapplika politika ta’ opportunitajiet indaqs. Minħabba r-rappreżentanza baxxa ta’ nisa f’funzjonijiet maniġerjali, il-Kummissjoni Ewropea tilqa’ bi pjaċir applikazzjonijiet mingħand nisa.

Proċedura ta’ applikazzjoni

Din il-kariga tista’ tiġi ppubblikata fl-istess żmien ma’ għadd ta’ karigi oħrajn għal uffiċjali f’livell għoli. Jekk tixtieq tapplika għal iżjed minn kariga waħda, trid tressaq applikazzjoni separata għal kull kariga. Jekk jogħġbok oqgħod attent meta tapplika u għażel il-pożizzjoni vakanti t-tajba. Mhuwiex possibbli titlob bidla fl-applikazzjoni tiegħek minn pożizzjoni vakanti għal oħra.

Qabel ma tippreżenta l-applikazzjoni tiegħek, għandek tiċċekkja b’attenzjoni jekk tissodisfax il-kriterji ta’ eliġibbiltà kollha (“l-applikanti jridu”), b’mod partikolari dawk rigward it-tipi ta’ diplomi u l-esperjenza professjonali meħtieġa, kif ukoll dawk rigward il-kompetenza lingwistika tiegħek. Min ma jissodisfax dawn il-kriterji tal-eliġibbiltà jiġi eskluż awtomatikament mill-proċedura tas-selezzjoni.

Jekk trid tapplika, trid tirreġistra permezz tal-Internet billi tmur fuq is-sit web

https://ec.europa.eu/dgs/human-resources/seniormanagementvacancies/

u ssegwi l-istruzzjonijiet li ssib hemm dwar id-diversi stadji tal-proċedura.

Ikollok bżonn indirizz tal-posta elettronika validu. Dan jintuża biex tkun ikkonfermata r-reġistrazzjoni tiegħek kif ukoll biex jinżamm kuntatt miegħek matul l-istadji differenti tal-proċedura tas-selezzjoni. Għaldaqstant, informa lill-Kummissjoni Ewropea b’kull bidla fl-indirizz tal-posta elettronika tiegħek.

Biex l-applikazzjoni tiegħek tkun kompluta, jeħtieġ li ttella’ CV fil-format PDF u li timla ittra ta’ motivazzjoni onlajn (massimu ta’ 8 000 karattru).

Meta tlesti r-reġistrazzjoni onlajn tiegħek, inti tirċievi ittra elettronika li tikkonferma li l-applikazzjoni tiegħek ġiet irreġistrata. L-ittra jkun fiha wkoll numru ta’ reġistrazzjoni li jkun in-numru ta’ referenza tiegħek f’kull kwistjoni li tirrigwarda l-applikazzjoni tiegħek. Meta tirċievi dan in-numru, il-proċess tar-reġistrazzjoni jkun intemm — in-numru huwa l-konferma li aħna nkunu rreġistrajna d-dejta li tkun daħħalt.

Jekk ma tirċievi l-ebda konferma bil-posta elettronika, l-applikazzjoni tiegħek ma tkunx ġiet irreġistrata!

Innota li mhuwiex possibbli li ssegwi l-progress tal-applikazzjoni tiegħek onlajn. Inti tiġi kkuntattjat dwar l-istatus tal-applikazzjoni tiegħek direttament mill-Kummissjoni Ewropea.

Jekk għandek xi diżabbiltà li minħabba fiha ma jkunx possibbli għalik li tirreġistra onlajn, tista’ tibgħat l-applikazzjoni tiegħek (is-CV u l-ittra ta’ motivazzjoni) fuq il-karta bil-posta rreġistrata f’dan l-indirizz:

European Commission

Directorate-General for Human Resources and Security

Unit for Senior Management and CCA

SC11 8/55

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

u indika b’mod ċar bħala referenza: Vacancy for the function of Director-General OLAF (COM/2017/10373)

u l-ittra trid tkun ittimbrata mhux aktar tard mid-data tal-għeluq tar-reġistrazzjoni. Kull komunikazzjoni sussegwenti bejnek u bejn il-Kummissjoni tkun bil-posta. F’dan il-każ, mal-applikazzjoni tiegħek trid tehmeż ċertifikat maħruġ minn entità rikonoxxuta, li jiċċertifika d-diżabbiltà tiegħek. Għandek tispjega wkoll, fuq folja separata, kull arranġament speċjali li taħseb li jkun meħtieġ biex jiffaċilita l-parteċipazzjoni tiegħek fis-selezzjoni.

Għal aktar tagħrif u/jew fil-każ ta’ problemi tekniċi, ibgħat email lil HR-SM-vacancies@ec.europa.eu

Data tal-għeluq

Id-data tal-għeluq tar-reġistrazzjoni hija s-27 ta’ Lulju 2017. Ir-reġistrazzjoni ma tkunx possibbli wara nofsinhar (12.00), ħin ta’ Brussell.

Hija r-responsabbiltà tiegħek li tlesti r-reġistrazzjoni onlajn tiegħek fil-ħin. Nirrakkomandaw bil-qawwa li ma tistenniex sal-aħħar ftit jiem biex tapplika, għaliex konġestjoni kbira tal-Internet jew xi difett fil-konnessjoni tal-Internet tiegħek jistgħu jwasslu biex ir-reġistrazzjoni onlajn tieqaf qabel ma tkun lestejtha, u b’hekk ikollok tirrepeti l-proċess kollu. Ladarba d-data tal-iskadenza għas-sottomissjoni tar-reġistrazzjonijiet tkun għaddiet, ma tkunx tista’ tirreġistra iżjed. Ir-reġistrazzjonijiet li jaslu tard ma jiġux aċċettati.

Informazzjoni importanti għall-applikanti

L-applikanti huma mfakkra li x-xogħol tal-kumitati tas-selezzjoni huwa kunfidenzjali. Kull kuntatt dirett jew indirett mill-kandidati jew minn xi ħadd ieħor li jaġixxi f’isimhom mal-kumitat ta’ selezzjoni huwa pprojbit. Kwalunkwe talba għal informazzjoni trid tiġi indirizzata lil HR-SM-vacancies@ec.europa.eu

Protezzjoni ta’ dejta personali

Il-Kummissjoni Ewropea tiżgura li d-dejta personali tal-kandidati tiġi pproċessata f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (7).


(1)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(2)  Fis-CVs tagħhom l-applikanti għandhom jindikaw għall-inqas għal dawn il-ħames snin li matulhom tkun inkisbet esperjenza ta' maniġment f'livell għoli: (1) it-titolu u r-rwol tal-pożizzjonijiet maniġerjali li kellhom, (2) l-għadd ta' persunal li kellhom taħthom f'dawn il-pożizzjonijiet, (3) id-daqs tal-baġits immaniġġati, u (4) l-għadd ta' livelli ġerarkiċi 'l fuq u 'l isfel u l-għadd ta' dawk li kienu pari magħhom.

(3)  http://ec.europa.eu/education/official-languages-eu-0_mt

(4)  http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CONSLEG:1962R0031:20140101:MT:PDF

(5)  http://ec.europa.eu/civil_service/docs/official_policy_en.pdf

(6)  http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CONSLEG:1962R0031:20140101:MT:PDF

(7)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.