ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 198A

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 60
22 ta' Ġunju 2017


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

 

Il-Parlament Ewropew

2017/C 198 A/01

Avviż ta’ reklutaġġ Nru PE/199/S

1


MT

 


V Avviżi

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

Il-Parlament Ewropew

22.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 198/1


AVVIŻ TA’ REKLUTAĠĠ NRU PE/199/S

(2017/C 198 A/01)

Il-Parlament Ewropew qed jorganizza proċedura ta’ selezzjoni abbażi ta’ kwalifiki u testijiet sabiex jistabbilixxi lista ta’ riżerva għall-pożizzjoni ta’

AĠENT TEMPORANJU

ATTACHÉ AMMINISTRATTIV (AD 5)

(ta’ sess femminil jew maskil)

Qabel tapplika, għandek taqra sew il-gwida għall-kandidati annessa ma' dan l-avviż ta' reklutaġġ.

Din il-gwida, li hija parti integrali tal-avviż ta' reklutaġġ, tgħinek tifhem ir-regoli marbuta mal-proċeduri u l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni.

WERREJ

A.

DESKRIZZJONI TAL-FUNZJONIJIET U REKWIŻITI TA’ ELIĠIBILITÀ

B.

ŻVOLĠIMENT TAL-PROĊEDURA

C.

TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET

ANNESS:

GWIDA GĦALL-KANDIDATI FIL-PROĊEDURI TA’ SELEZZJONI ORGANIZZATI MILL-PARLAMENT EWROPEW

A.   DESKRIZZJONI TAL-FUNZJONIJIET U REKWIŻITI TA’ ELIĠIBILITÀ

1.   Informazzjoni ġenerali

Il-Parlament Ewropew iddeċieda jiftaħ proċedura biex jimla pożizzjoni ta’ membru tal-persunal temporanju (AD 5), ta’ Attaché Amministrattiv fid-Direttorat Ġenerali għall-Persunal.

Dan il-kuntratt se jiġi konkluż għal żmien indeterminat. Ir-reklutaġġ se jsir fil-grad AD 5, l-ewwel skala, b’salarju bażiku ta’ EUR 4 637,77 fix-xahar. Dan is-salarju huwa soġġett għat-taxxa Komunitarja u tnaqqis ieħor previst mill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea. Huwa eżentat mit-taxxa nazzjonali. L-iskala li fiha se tiġi reklutata l-persuna li tintgħażel madankollu tista’ tiġi adattata skont l-esperjenza professjonali ta’ din il-persuna. Barra minn hekk, is-salarju bażiku, taħt ċerti kondizzjonijiet, jiżdied b’xi allowances.

Il-Parlament Ewropew japplika politika ta’ opportunitajiet indaqs u jaċċetta l-applikazzjonijiet mingħajr ebda diskriminazzjoni, bħal pereżempju diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiki ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, l-orjentazzjoni sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.

Kull referenza, f’dan l-avviż, għal persuna tas-sess maskil għandha tkun ikkunsidrata wkoll li tikkostitwixxi referenza għal persuna tas-sess femminil, u viċeversa.

2.   Deskrizzjoni tal-funzjonijiet

Taħt is-superviżjoni diretta tad-Direttur Ġenerali għall-Persunal, l-Attaché Amministrattiv iwettaq xogħol ta’ konsulenza u ta’ studju f’qasam jew oqsma ta’ kompetenza tad-Direttorat Ġenerali.

Ibbażat f’Brussell (1), huwa jkun meħtieġ jivvjaġġa regolarment lejn it-tliet postijiet tax-xogħol normali tal-Parlament Ewropew (Brussell, il-Lussemburgu u Strasburgu) u barra minnhom.

L-Attaché Amministrattiv jagħti pariri lid-Direttur Ġenerali f’kull qasam ta’ kompetenza tad-Direttorat Ġenerali għall-Persunal. Huwa jassisti lill-ġerarkija tiegħu f’dak li jirrigwarda r-riżorsi umani u, b’mod aktar partikolari, ikun inkarigat mir-relazzjonijiet mas-segretarjati tal-entitajiet politiċi u deċiżjonali għall-kwistjonijiet li jirrigwardaw il-politika dwar il-persunal.

It-twettiq ta’ dawn il-funzjonijiet jeżiġi rigorożità, ħila ta’ kitba, sens għoli ta’ kunfidenzjalità, ħiliet ta’ analiżi u ta’ sinteżi, kapaċità ta’ reazzjoni għall-avvenimenti, diplomazija, ħiliet interpersonali eċċellenti ma’ interlokuturi tal-livelli kollha u ħila li jesprimi ruħu faċilment fil-pubbliku.

Il-Parlament Ewropew jinsisti fuq il-ħila tal-kandidati li jitrattaw problemi differenti u li ta’ spiss ikunu kumplessi, jirreaġixxu malajr għall-bidliet fiċ-ċirkostanzi u jikkomunikaw b’mod effikaċi. Il-kandidati għandhom ikunu kapaċi juru inizjattiva u motivazzjoni kbira. Għandhom ikunu kapaċi jaħdmu regolarment b’mod intensiv, kemm b’mod awtonomu kif ukoll f’tim, u jadattaw ruħhom f’qasam ta’ ħidma multikulturali u multilingwi.

Ir-responsabbiltajiet prinċipali tal-Attaché Amministrattiv huma dawn li ġejjin:

jagħti pariri lill-ġerarkija fl-oqsma ta’ kompetenza tiegħu, isegwi l-attivitajiet kollha tad-Direttorat Ġenerali, jgħaddi informazzjoni ‘il fuq u ‘l isfel fil-ġerarkija u jiffaċilità r-relazzjonijiet bejn is-servizzi;

iwettaq studji kumplessi u jfassal pariri ta’ livell għoli ta’ għarfien għall-awtoritajiet politiċi u amministrattivi tal-Parlament Ewropew;

jiġġestixxi u jmexxi fajls speċifiċi, inklużi fosthom fajls sensittivi (studji multidimensjonali tekniċi, amministrattivi, ġuridiċi, finanzjarji jew baġitarji);

imexxi proġetti ta’ terminu medju u twil fil-qafas tal-politiki istituzzjonali;

jikkontribwixxi għall-preparazzjoni u għall-implimentazzjoni tal-baġit tad-Direttorat Ġenerali (ġestjoni baġitarja, akkwist pubbliku, eċċ.);

jakkumpanja jew jirrappreżenta l-ġerarkija għal laqgħat u għal gruppi ta’ ħidma interni u esterni u jistimola jew jipparteċipa f’laqgħat amministrattivi.

3.   Rekwiżiti ta’ eliġibilità

Fid-data tal-iskadenza stabbilita għat-tressiq tal-applikazzjonijiet, il-kandidati għandhom jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)   Rekwiżiti ġenerali

Skont l-Artikolu 12.2 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg tal-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea, il-kandidati għandhom:

ikunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea,

igawdu mid-drittijiet ċivili tagħhom,

ikunu ssodisfaw kull obbligu impost mil-liġijiet applikabbli fil-qasam tal-obbligu militari,

joffru l-garanziji ta’ kondotta mitluba għat-twettiq tal-funzjonijiet previsti.

(b)   Rekwiżiti speċifiċi

(i)   Kwalifiki, diplomi u għarfien meħtieġa

Il-kandidati għandu jkollhom livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta’ studji universitarji ta’ mhux anqas minn tliet snin iċċertifikat b’diploma rikonoxxuta uffiċjalment f’qasam marbut mal-funzjonijiet. Il-kumitat ta’ selezzjoni se jqis, f’dan ir-rigward, id-differenzi fis-sistemi edukattivi. Eżempji ta’ diplomi minimi meħtieġa jinsabu fit-tabella fil-gwida għall-kandidati.

(ii)   Esperjenza professjonali rikjesta

Mhi rikjesta l-ebda esperjenza professjonali. Madankollu, kwalunkwe esperjenza professjonali relatata man-natura tal-funzjonijiet tikkostitwixxi vantaġġ.

(iii)   Għarfien lingwistiku

Il-kandidati għandu jkollhom għarfien fil-fond ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (lingwa 1): il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, il-Kroat, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Isvediż, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan jew l-Ungeriż,

u

għarfien tajjeb ħafna tal-Franċiż, il-Ġermaniż, jew l-Ingliż (lingwa 2). Il-lingwa 2 trid tkun differenti mil-lingwa 1.

Il-kumitat ta’ selezzjoni se jqis l-għarfien ta’ lingwi oħra uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (Awla Manja) fil-Kawża C-566/10 P, ir-Repubblika Taljana vs il-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew għandu l-obbligu li jimmotiva l-limitu tal-għażla tat-tieni lingwa għal numru limitat ta’ lingwi uffiċjali tal-Unjoni.

Il-kandidati huma informati li l-lingwi 2 (il-Franċiż, il-Ġermaniż, u l-Ingliż) magħżulin għall-finijiet ta’ din il-proċedura ta’ selezzjoni ġew definiti skont l-interess tas-servizz, li jeżiġi li r-reklutati l-ġodda jkunu operattivi minnufih u jkunu kapaċi jikkomunikaw b’mod effikaċi fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum.

Abbażi tal-prattika, li ilha għaddejja ż-żmien, tal-Parlament Ewropew rigward il-lingwi ta’ komunikazzjoni interna, u b’kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet tas-servizzi fil-qasam tal-komunikazzjoni esterna u l-ipproċessar tal-fajls, il-Franċiż, il-Ġermaniż u l-Ingliż jibqgħu l-lingwi li jintużaw l-aktar. Barra minn hekk, fir-rapporti tal-persunal tal-2016, l-iktar tliet lingwi użati mill-membri tal-persunal fil-qadi ta’ dmirijiethom, skont kif jikkonstataw dawk li jivvalutawhom, huma l-Ingliż (għal 95 % tal-persunal), il-Franċiż (għal 90 % tal-persunal) u l-Ġermaniż (għal 33 % tal-persunal). Din ir-rata ma taqbiżx 21 % tal-persunal għal-lingwi l-uffiċjali l-oħra.

Konsegwentement, fl-ibbilanċjar tal-interess tas-servizzi u l-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet tal-kandidati, huwa ġustifikat li jiġi mitlub l-għarfien ta’ waħda minn dawn it-tliet lingwi sabiex jiġi garantit, tkun liema tkun l-ewwel lingwa uffiċjali tagħhom, li l-kandidati kollha jkollhom ħakma tajba ta’ mill-anqas waħda minn dawn it-tliet lingwi uffiċjali bħala lingwa tax-xogħol.

Barra minn hekk, fl-interess ta’ trattament ugwali, kull kandidat, anke jekk ikollu waħda minn dawn it-tliet lingwi bħala l-ewwel lingwa uffiċjali, huwa mistenni li jkollu għarfien suffiċjenti ta’ tieni lingwa, li trid tkun waħda minn dawn it-tliet lingwi.

B’hekk, il-valutazzjoni tal-ħiliet speċifiċi ta’ waħda minn dawn il-lingwi tippermetti lill-Parlament Ewropew jevalwa l-kapaċità tal-kandidati li jkunu operattivi minnufih fl-ambjent li se jkunu mitluba jaħdmu fih.

B.   ŻVOLĠIMENT TAL-PROĊEDURA

1.   Eliġibilità għall-proċedura ta’ selezzjoni

Il-proċedura hija organizzata abbażi ta’ kwalifiki u testijiet .

(a)

Il-lista tal-kandidati li jkunu ppreżentaw il-fajl tagħhom skont il-modalitajiet u qabel id-data tal-iskadenza stipulata u li jissodisfaw ir-rekwiżiti ġenerali speċifikati fit-Taqsima A.3. a) tiġi stabbilita mill-Awtorità tal-Ħatra, imbagħad tiġi trażmessa flimkien mal-fajls lill-kumitat ta’ selezzjoni (għal aktar dettalji, ara l-gwida għall-kandidati) .

(b)

Il-kumitat ta’ selezzjoni jeżamina l-fajls u jistabbilixxi lista ta’ kandidati li jissodisfaw ir-rekwiżiti speċifiċi kif elenkati fit-Taqsima A.3.(b).

Il-kumitat jibbaża l-għażla tiegħu esklużivament fuq l-informazzjoni mogħtija fl-applikazzjonijiet li jkunu appoġġati minn dokumenti ġustifikattivi (għal aktar dettalji, ara l-gwida għall-kandidati) .

2.   Evalwazzjoni tal-kwalifiki

Il-kumitat ta’ selezzjoni, abbażi tal-kriterji li jkun stabbilixxa minn qabel, iwettaq evalwazzjoni tal-kwalifiki tal-kandidati eliġibbli għall-proċedura ta’ selezzjoni u jistabbilixxi lista tal-aħjar 12-il kandidat li jiġu mistiedna għat-test bil-miktub.

Waqt l-evalwazzjoni tal-kwalifiki tal-kandidati, il-kumitat ta’ selezzjoni se jqis b’mod partikolari:

iċ-ċertifikati u d-diplomi ta’ studju relatati man-natura tal-funzjonijiet;

l-esperjenza miksuba bħala attaché f’qafas ta’ tmexxija f’livell għoli;

l-esperjenza miksuba fil-qasam tad-definizzjoni ta’ strateġiji ta’ ġestjoni tar-riżorsi umani;

l-esperjenza miksuba fi struttura amministrattiva pubblika jew privata ta’ daqs kbir li teżiġi fehim tal-isfidi politiċi u ekonomiċi;

l-esperjenza miksuba fil-ġestjoni baġitarja u finanzjarja;

l-esperjenza miksuba f’ambjent multikulturali u multinazzjonali;

l-esperjenza miksuba fil-ġestjoni ta’ proġetti fil-qasam tar-riżorsi umani;

l-għarfien tal-istruttura tas-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament Ewropew, ta’ kif jiffunzjona u tal-ambjent tiegħu;

l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal għall Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbl għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea.

Punteġġ: minn 0 sa 20 punt.

3.   Testijiet

Test bil-miktub

(a)

Test tal-kitba bil-lingwa 2 (il-Franċiż, il-Ġermaniż, l-Ingliż) abbażi ta’ fajl, maħsub biex jivvaluta l-kapaċità tal-kandidati li jwettqu l-funzjonijiet deskritti fit-Taqsima A.2, kif ukoll il-kapaċità tagħhom tal-kitba u ta’ sinteżi.

Tul ta’ żmien tat-test: 3 sigħat.

Punteġġ: minn 0 sa 40 punt (minimu meħtieġ: 20 punt).

Is-6 kandidati li jkunu kisbu l-aktar punti fit-testijiet bil-miktub jiġu mistiedna għat-testijiet orali, bil-kundizzjoni li jkunu kisbu l-marka minima meħtieġa.

Testijiet orali

(b)

Intervista mal-kumitat ta’ selezzjoni bil-lingwa 2 (il-Franċiż, il-Ġermaniż jew l-Ingliż), li permezz tagħha tkun tista’ tiġi vvalutata, b’kunsiderazzjoni tal-elementi kollha mniżżlin fil-fajl tal-applikazzjoni, il-kapaċità tal-kandidati li jwettqu l-funzjonijiet deskritti fit-Taqsima A.2. Il-kumitat ta’ selezzjoni jista’ jiddeċiedi li jeżamina l-għarfien lingwistiku tal-kandidati kif inhu speċifikat fl-applikazzjoni.

Tul ta’ żmien massimu tat-test: 45 minuta.

Punteġġ: minn 0 sa 40 punt (minimu meħtieġ: 20 punt).

(c)

Test ta’ diskussjoni fi grupp bil-lingwa 2 (il-Franċiż, il-Ġermaniż jew l-Ingliż), sabiex il-kumitat ta’ selezzjoni jkun jista’ jivvaluta l-kapaċità ta’ adattament, il-kapaċità ta’ negozjar u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, kif ukoll l-imġiba tal-kandidati fi grupp.

It-tul ta’ żmien ta’ dan it-test jiġi stabbilit mill-kumitat ta’ selezzjoni skont il-kompożizzjoni definittiva tal-gruppi.

Punteġġ: minn 0 sa 20 punt (minimu meħtieġ: 10 punti).

4.   Inklużjoni fil-lista ta’ riżerva

Il-lista ta’ riżerva se tinkludi, skont l-ordni ta’ mertu, l-ismijiet tat-3 kandidati li jkunu kisbu l-aktar punti fil-proċedura kollha (evalwazzjoni tal-kwalifiki u testijiet) u li jkunu laħqu l-livell minimu meħtieġ f’kull wieħed mit-testijiet.

Il-kandidati jiġu informati individwalment bir-riżultati tagħhom u l-lista ta’ riżerva tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u titwaħħal fuq in-noticeboards uffiċjali fil-binjiet tal-Parlament Ewropew.

Il-persuni mniżżlin fil-lista ta’ riżerva u li jiġu offruti impjieg ikun jeħtiġilhom ukoll, għal finijiet ta’ ċertifikazzjoni, jippreżentaw l-oriġinali tad-dokumenti kollha meħtieġa, partikolarment tad-diplomi u tar-referenzi tax-xogħol tagħhom.

Il-lista ta’ riżerva tibqa’ valida sal-31 ta’ Diċembru 2020; u tista’ tiġi estiża. F’dan il-każ, il-kandidati mniżżlin fil-lista ta’ riżerva jiġu informati b’dan fi żmien debitu.

C.   TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET

Il-kandidati għandhom jużaw il-formola ta’ applikazzjoni (oriġinali jew kopja) speċifika għal dan l-avviż ta’ reklutaġġ li tinsab f’Il-Ġurnal Uffiċjali ppubblikat mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.

Il-kandidati huma mitluba jaqraw bir-reqqa l-gwida għall-kandidati qabel ma jimlew l-applikazzjoni tagħhom.

Data tal-iskadenza għat-tressiq tal-applikazzjonijiet

Il-formola tal-applikazzjoni u l-fotokopji tad-dokumenti għandhom jintbagħtu bil-posta rreġistrata  (2) sa mhux aktar tard mill-24 ta’ Lulju 2017 (it-timbru tal-posta jitqies bħala prova), fl-indirizz li ġej:

PARLEMENT EUROPÉEN

Unité concours — BMT 08 A 038

Procédure de sélection PE/199/S

(għandu jiġi indikat in-numru ta’ referenza tal-proċedura ta’ selezzjoni)

60 rue Wiertz

1047 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

L-applikazzjonijiet li jintbagħtu bil-posta mhux irreġistrata jew bil-posta interna ma jiġux ikkunsidrati. L-Unità tal-Konkorsi u l-Proċeduri ta’ Selezzjoni mhijiex se taċċetta applikazzjonijiet li jitressqu bl-idejn.

Mhi se tintbagħat l-ebda konferma ta’ riċevuta tal-fajls tal-applikazzjoni, hlief jekk konferma ta’ riċevuta postali takkumpanja ittra rreġistrata.

Il-kandidati huma mitluba MA JĊEMPLUX rigward il-kalendarju tal-proċedura.

Hija r-responsabilità tal-kandidati li jikkuntattjaw lill-Unità tal-Konkorsi u l-Proċeduri ta’ Selezzjoni b’email (PE-199-S@ep.europa.eu) jew ittra jekk ma tkunx waslitilhom email rigward l-applikazzjoni tagħhom sat-30 ta’ Settembru 2017.


(1)  Din il-pożizzjoni tista’ tkun ibbażata f’wieħed mill-postijiet tax-xogħol l-oħra tal-Parlament Ewropew.

(2)  Il-kunsinna minn kurrier privat titqies bħala rreġistrata. F’dan il-każ, id-data ta’ meta l-kunsinna tkun intbagħtet, li tidher fuq il-formola tal-kunsinna, titqies bħala prova.


ANNESS

Gwida għall-kandidati fil-proċeduri ta’ selezzjoni organizzati mill-Parlament Ewropew

1.

DAĦLA 8
Kif tiżvolġi proċedura ta’ selezzjoni? 8

2.

STADJI TAL-PROĊEDURA TA’ SELEZZJONI 8
Wasla tal-fajls tal-applikazzjoni 8
Eżami tar-rekwiżiti ġenerali 9
Eżami tar-rekwiżiti speċifiċi 9
Evalwazzjoni tal-kwalifiki 9
Testijiet 10
Lista ta’ riżerva 10

3.

KIF TAPPLIKA? 10
Informazzjoni ġenerali 10
Kif tibgħat il-fajl komplut? 10
Liema dokumenti ġustifikattivi għandek tehmeż mal-fajl? 10
Informazzjoni ġenerali 10
Dokumenti ġustifikattivi għar-rekwiżiti ġenerali 11
Dokumenti ġustifikattivi għar-rekwiżiti speċifiċi u l-evalwazzjoni tal-kwalifiki 11

4.

AVVIŻ 7 12

5.

INFORMAZZJONI ĠENERALI 13
Opportunitajiet indaqs 13
Talbiet għal aċċess mill-kandidati għall-informazzjoni li tikkonċernahom 13
Protezzjoni tad-data personali 13
Spejjeż tal-ivvjaġġar u ta’ soġġorn 13
ANNESS I 14
ANNESS II 17

1.   DAĦLA

Kif tiżvolġi proċedura ta’ selezzjoni?

Proċedura ta’ selezzjoni tinvolvi sensiela ta’ stadji fejn il-kandidati jikkompetu bejniethom; din il-proċedura hija miftuħa għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea li, sad-data tal-iskadenza stabbilita għat-tressiq tal-applikazzjonijiet, jissodisfaw il-kriterji meħtieġa, toffri l-istess possibilità lill-kandidati kollha biex juru ħiliethom u tippermetti selezzjoni bbażata fuq il-mertu, fir-rispett tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

Il-kandidati li jgħaddu proċedura ta’ selezzjoni jitniżżlu f’lista ta’ riżerva li se sservi bħala bażi għall-Parlament Ewropew sabiex jimla l-pożizzjoni li għaliha japplika dan l-avviż ta’ reklutaġġ.

Għal kull proċedura ta’ selezzjoni jiġi kostitwit kumitat ta’ selezzjoni magħmul minn rappreżentanti tal-amministrazzjoni u tal-kumitat tal-persunal. Ix-xogħlijiet ta’ dan il-kumitat ta’ selezzjoni huma sigrieti u jiżvolġu skont l-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (1).

Il-kuntatti diretti jew indiretti tal-kandidati mal-kumitat ta’ selezzjoni huma formalment ipprojbiti. L-Awtorità tal-Ħatra tirriżerva d-dritt li teskludi kull kandidat li jikser din il-projbizzjoni.

Il-kumitat ta’ selezzjoni jimxi b’mod strett mar-rekwiżiti ta’ ammissjoni msemmija fl-avviż ta’ reklutaġġ biex jiddeċiedi dwar l-ammissjoni jew le ta’ kull kandidat. Il-kandidati li kienu ammessi għal konkors jew proċedura ta’ selezzjoni preċedenti ma jkunux awtomatikament eleġibbli.

Sabiex jagħżel l-aħjar kandidati, il-kumitat ta’ selezzjoni jqabbel il-prestazzjonijiet tal-kandidati sabiex jivvaluta ħiliethom biex iwettqu l-funzjonijiet deskritti fl-avviż. Għalhekk ma jridx biss jevalwa l-livell tal-għarfien, iżda wkoll jidentifika l-persuni l-aktar kwalifikati abbażi tal-merti tagħhom.

Għall-informazzjoni, proċedura ta’ selezzjoni tista’ ddum bejn 6 u 9 xhur, skont in-numru tal-kandidati.

2.   STADJI TAL-PROĊEDURA TA’ SELEZZJONI

Il-proċedura ta’ selezzjoni hija magħmula mill-istadji li ġejjin:

wasla tal-fajls tal-applikazzjoni,

eżami tar-rekwiżiti ġenerali,

eżami tar-rekwiżiti speċifiċi,

evalwazzjoni tal-kwalifiki,

testijiet,

inklużjoni fil-lista ta’ riżerva.

Wasla tal-fajls tal-applikazzjoni

Il-kandidati li jiddeċiedu li japplikaw għandhom jibagħtu, inkella jiġu esklużi, fajl tal-applikazzjoni komplut, li jinkludi l-formola tal-applikazzjoni speċifika għall-avviż ta’ reklutaġġ, mimlija, iffirmata u akkumpanjata mid-dokumenti ġustifikattivi kollha meħtieġa li jagħtu prova li huma jissodisfaw ir-rekwiżiti ġenerali u speċifiċi stabbiliti fl-avviż ta’ reklutaġġ. Dan il-fajl għandu jintbagħat bil-posta rreġistrata (il-kunsinna minn kumpanija privata tal-kurriers se titqies bħala ekwivalenti għall-posta rreġistrata. F’dan il-każ, id-data li tidher fil-formola tal-kunsinna se titqies bħala d-data tal-kunsinna) sad-data tal-iskadenza stabbilita fl-avviż ta’ reklutaġġ. Ara t-Taqsima C tal-avviż ta’ reklutaġġ għall-indirizz u d-data tal-iskadenza għat-tressiq tal-applikazzjonijiet.

Eżami tar-rekwiżiti ġenerali

L-Unità tal-Konkorsi u l-Proċeduri ta’ Selezzjoni teżamina jekk l-applikazzjoni tistax tiġi aċċettata, jiġifieri jekk l-applikazzjoni ntbagħtitx skont il-modalitajiet u sad-data tal-iskadenza indikata fl-avviż ta’ reklutaġġ u jekk ir-rekwiżiti ġenerali ta’ ammissjoni ġewx issodisfati.

Konsegwentement, jiġu eliminati awtomatikament il-kandidati li:

bagħtu l-fajl tal-applikazzjoni tagħhom wara d-data tal-iskadenza, kif muri mit-timbru tal-posta jew mill-formola tal-kunsinna tal-kurrier privat, jew

ma bagħtux il-fajl tal-applikazzjoni tagħhom bil-posta rreġistrata jew permezz ta’ kurrier privat, jew

ma użawx l-applikazzjoni speċifika għall-avviż ta’ reklutaġġ, jew

ma kkompletawx kif xieraq l-applikazzjoni speċifika għall-avviż ta’ reklutaġġ, jew

ma ffirmawx l-applikazzjoni, jew

ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ġenerali ta’ ammissjoni.

Il-kandidati jiġu informati individwalment b’dan ir-rifjut wara d-data tal-iskadenza għat-tressiq tal-applikazzjonijiet.

Il-lista tal-kandidati li jissodisfaw ir-rekwiżiti ġenerali stabbiliti fl-avviż ta’ reklutaġġ hija stabbilita mill-Awtorità tal-Ħatra, imbagħad din il-lista tintbagħat flimkien mal-fajls lill-kumitat ta’ selezzjoni.

Eżami tar-rekwiżiti speċifiċi

Il-kumitat ta’ selezzjoni jeżamina l-applikazzjonijiet u jistabbilixxi l-lista tal-kandidati li jissodisfaw ir-rekwiżiti speċifiċi fl-avviż ta’ reklutaġġ. Huwa jibbaża esklużivament fuq l-informazzjoni mogħtija fil-formola tal-applikazzjoni li tkun appoġġata minn dokumenti ġustifikattivi .

L-istudji, it-taħriġ, l-għarfien lingwistiku u, jekk ikun xieraq, l-esperjenza professjonali għandhom jiġu speċifikati fid-dettall fl-applikazzjoni, jiġifieri:

għall-istudji: id-dati tal-bidu u tat-tmiem u d-deskrizzjoni tad-diploma/i, kif ukoll is-suġġetti studjati;

għall-esperjenza professjonali eventwali: id-dati tal-bidu u tat-tmiem tal-esperjenza kif ukoll deskrizzjoni preċiża tal-kompiti mwettqa.

Il-kandidati li jkunu ppubblikaw studji, artikli jew testijiet oħra marbuta mad-deskrizzjoni tal-funzjonijiet għandhom jinkluduhom fil-formola tal-applikazzjoni.

F’dan l-istadju huma esklużi l-kandidati li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti speċifiċi ta’ ammissjoni stabbiliti fl-avviż ta’ reklutaġġ.

Kull kandidat jiġi informat b’ittra, dwar id-deċiżjoni tal-kumitat ta’ selezzjoni jekk ġiex ammess jew le għall-proċedura.

Evalwazzjoni tal-kwalifiki

Sabiex jagħżel il-kandidati li jkunu mistiedna għat-testijiet, il-kumitat ta’ selezzjoni jipproċedi għall-evalwazzjoni tal-kwalifiki tal-kandidati ammessi. Huwa jibbaża esklużivament fuq l-informazzjoni mogħtija fil-formola tal-applikazzjoni li tkun appoġġata minn dokumenti ġustifikattivi (ara l-punt 3 ta’ hawn taħt). Il-kumitat ta’ selezzjoni jibbaża fuq il-kriterji li jkun stabbilixxa minn qabel filwaqt li jikkunsidra, b’mod speċjali, il-kwalifiki speċifikati fl-avviż ta’ reklutaġġ fit-Taqsima B.2.

Kull kandidat jiġi informat b’ittra dwar id-deċiżjoni tal-kumitat ta’ selezzjoni jekk ġiex ammess jew le għat-testijiet.

Testijiet

It-testijiet kollha huma obbligatorji u eliminatorji. In-numru massimu ta’ kandidati ammessi għat-testijiet huwa stabbilit fit-Taqsima B.2. tal-avviż ta’ reklutaġġ.

Minħabba raġunijiet ta’ organizzazzjoni, il-kandidati jistgħu jiġu mistiedna għat-testijiet kollha bil-miktub u orali. Madankollu, il-korrezzjoni tat-testijiet issir fl-ordni li jidher fl-avviż ta’ reklutaġġ. Konsegwentement, meta kandidat ma jiksibx il-punteġġ minimu meħtieġ f’wieħed mit-testijiet, il-kumitat ta’ selezzjoni ma jikkoreġix it-testijiet sussegwenti.

F’każ ta’ abbandun min-naħa tal-kandidat, it-testijiet ma jiġux ikkoreġuti.

Lista ta’ riżerva

In-numru massimu biss tal-kandidati stabbilit fit-Taqsima B.4 tal-avviż ta’ reklutaġġ jiddaħħal fil-lista ta’ riżerva.

Il-fatt li isem kandidat jitniżżel fil-lista ta’ riżerva jfisser li jista’ jiġi mistieden minn wieħed mis-servizzi tal-istituzzjoni għal intervista, iżda dan ma jikkostitwixxi la dritt u lanqas garanzija ta’ reklutaġġ min-naħa tal-istituzzjoni.

3.   KIF TAPPLIKA?

Informazzjoni ġenerali

Qabel ma japplikaw, il-kandidati għandhom jivverifikaw sew jekk jissodisfawx ir-rekwiżiti kollha ta’ ammissjoni, kemm dawk ġenerali kif ukoll dawk speċifiċi. Dan jimplika li għandhom l-ewwel jaqraw l-avviż ta’ reklutaġġ u din il-gwida u jaċċettaw il-kondizzjonijiet tagħhom.

Minkejja li l-avviżi ta’ reklutaġġ ma għandhomx limitu ta’ età, għandha tingħata attenzjoni għall-età tal-pensjoni stabbilita mir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-kandidati għandhom jimlew il-formola tal-applikazzjoni (oriġinali jew kopja) speċifika għall-avviż ta’ reklutaġġ u li tinsab f’Il-Ġurnal Uffiċjali ppubblikat mill-Uffiċċju tal-Publikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.

Id-dokumenti li jintbagħtu wara d-data tal-iskadenza mhumiex se jiġu kkunsidrati.

Il-kandidati li għandhom diżabilità jew li jinsabu f’sitwazzjoni partikolari (pereżempju: tqala, treddigħ, stat ta’ saħħa, terapija medika, eċċ.), li tista’ tikkawża diffikultajiet waqt l-iżvolġiment tat-testijiet għandhom jindikawha fl-applikazzjoni u jagħtu kull informazzjoni utli sabiex l-amministrazzjoni, jekk ikun possibbli, tkun tista’ tieħu l-miżuri kollha neċessarji. Jekk ikun il-każ, mal-applikazzjoni tagħhom għandhom jehmżu nota, fuq karta separata, li tippreċiża d-dispożizzjonijiet li huma jqisu neċessarji biex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tagħhom għat-testijiet.

Kif tibgħat il-fajl komplut?

1.

Imla u ffirma l-applikazzjoni speċifika għall-avviż ta’ reklutaġġ.

2.

Ehmeż lista nnumerata tad-dokumenti ġustifikattivi kollha mal-fajl tiegħek.

3.

Ehmeż id-dokumenti ġustifikattivi kollha meħtieġa, li inti tkun innumerajt minn qabel.

4.

Ibgħat il-fajl skont il-modalitajiet u qabel id-data tal-iskadenza indikati fl-avviż ta’ reklutaġġ.

Liema dokumenti ġustifikattivi għandek tehmeż mal-fajl?

Informazzjoni ġenerali

M’għandekx tibgħat l-oriġinali; għandhom jiġu mehmuża biss fotokopji mhux iċċertifikati tad-dokumenti mitluba. Ir-referenzi għal siti tal-Internet ma jistgħux jitqiesu bħala dokumenti ġustifikattivi. Dokumenti stampati minn siti tal-Internet mhumiex se jitqiesu bħala ċertifikati, iżda jistgħu jinhemżu bħala informazzjoni addizzjonali.

Għandu jitfakkar li l-kandidati mniżżla fil-lista ta’ riżerva li ssirilhom offerta ta’ impjieg għandhom jippreżentaw l-oriġinali tad-dokumenti meħtieġa qabel ma jkunu jistgħu jiġu reklutati.

Curriculum vitæ mhuwiex meqjus bħala dokument ġustifikattiv.

Il-kandidati ma jistgħux jirreferu għal formoli tal-applikazzjonijiet jew dokumenti oħra mibgħuta waqt konkorsi preċedenti (2).

L-ebda element tal-fajl ma jintbagħat lura lill-kandidati.

Dokumenti ġustifikattivi għar-rekwiżiti ġenerali

F’dan l-istadju, l-ebda dokument ma huwa meħtieġ biex jiġġustifika li l-kandidati:

huma ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea,

igawdu mid-drittijiet ċivili tagħhom,

ikunu ssodisfaw kull obbligu impost mil-liġijiet ta’ reklutaġġ applikabbli fil-qasam militari,

jipproduċu r-referenzi ta’ karattru mitluba għat-twettiq tad-dmirijiet previsti.

Il-kandidati huma obbligati jiffirmaw il-formola tal-applikazzjoni. B’din il-firma, jiddikjaraw fuq l-unur tagħhom li jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti u li l-informazzjoni fornuta hija veraċi u kompluta.

Dokumenti ġustifikattivi għar-rekwiżiti speċifiċi u l-evalwazzjoni tal-kwalifiki

Huwa f’idejn il-kandidati li jfornu lill-kumitat ta’ selezzjoni l-informazzjoni u d-dokumenti kollha li jippermettulu jivverifika l-eżattezza tal-informazzjoni msemmija fil-formola tal-applikazzjoni.

Diplomi u/jew ċertifikati li jiċċertifikaw it-tlestija tal-istudji

Il-kandidati għandhom ifornu fotokopji tad-diplomi jew taċ-ċertifikati li jiċċertifikaw l-istudji tal-livell meħtieġ fl-avviż ta’ reklutaġġ.

F’dan ir-rigward, il-kumitat ta’ selezzjoni jqis is-sistemi edukattivi differenti tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

Għal diplomi postsekondarji, għandha tinhemeż l-informazzjoni l-aktar dettaljata possibbli, speċjalment dwar it-tul tal-istudji u s-suġġetti studjati, sabiex il-kumitat ta’ selezzjoni jkun jista’ jivvaluta r-rilevanza tad-diplomi b’rabta mad-deskrizzjoni tal-funzjonijiet.

Fil-każ ta’ taħriġ tekniku jew professjonali, jew kors ta’ perfezzjonament jew speċjalizzazzjoni, il-kandidati għandhom jindikaw jekk kienx kors full time jew part time jew kors ta’ filgħaxija, kif ukoll is-suġġetti u t-tul uffiċjali tal-korsijiet.

Esperjenza professjonali

Jekk l-avviż jeżiġi esperjenza professjonali, din se titqies biss jekk tkun inkisbet wara l-kisba tad-diploma jew taċ-ċertifikati meħtieġa. Huwa indispensabbli li d-dokumenti ġustifikattivi jagħtu prova tat-tul u l-livell tal-esperjenza professjonali u li d-deskrizzjoni tal-kompiti tkun dettaljata kemm jista’ jkun sabiex il-kumitat ta’ selezzjoni jkun jista’ jivvaluta r-rilevanza tal-esperjenza b’rabta mad-deskrizzjoni tal-funzjonijiet.

Il-perjodi kollha tal-attività professjonali kkonċernati għandhom ikunu koperti minn dokumenti ġustifikattivi, speċjalment:

ċertifikati minn impjegaturi preċedenti u mill-impjegatur attwali li jiġġustifikaw l-esperjenza professjonali mitluba għall-aċċess għall-proċedura ta’ selezzjoni;

jekk, minħabba raġunijiet ta’ kunfidenzjalità, il-kandidati ma jistgħux jehmżu ċ-ċertifikati tal-impjiegi meħtieġa, huwa essenzjali li, sabiex dawn jiġu sostitwiti, ifornu fotokopji tal-kuntratt tax-xogħol jew tal-ittra ta’ reklutaġġ u tal-ewwel u l-aħħar karta tal-paga;

għal dawk li ma jaħdmux bħala impjegati (dawk li jaħdmu għal rashom, professjonijiet liberali, eċċ.), jistgħu jkunu aċċettati bħala prova, rċevuti li jagħtu dettalji dwar is-servizzi mogħtija jew kull dokument ieħor ġustifikattiv uffiċjali rilevanti.

Għarfien lingwistiku

L-għarfien tal-lingwi meħtieġ għandu jkun iċċertifikat minn diploma, ċertifikat jew dikjarazzjoni fuq l-unur, fuq karta separata, li tispjega kif inkiseb l-għarfien ta’ dawn il-lingwi.

Jekk, fi kwalunkwe stadju tal-proċedura, jiġi kkonstatat li l-informazzjoni fornuta fl-applikazzjoni ma tkunx eżatta, ma tkunx sostnuta mid-dokumentazzjoni meħtieġa jew ma tikkorrispondix mar-rekwiżiti kollha ta’ dan l-avviż ta’ reklutaġġ, l-ammissjoni tal-kandidat tiġi ddikjarata nulla.

4.   AVVIŻ

Hija r-responsabilità tal-kandidati li jieħdu l-miżuri kollha sabiex l-applikazzjoni (oriġinali jew kopja) kkompletata kif xieraq, iffirmata u akkumpanjata mid-dokumenti ġustifikattivi kollha, tintbagħat bil-posta rreġistrata (3) qabel id-data tal-iskadenza. It-timbru tal-posta jitqies bħala prova.

L-applikazzjonijiet li jintbagħtu bil-posta mhux irreġistrata jew bil-posta interna mhumiex se jiġu kkunsidrati. L-Unità tal-Konkorsi u l-Proċeduri ta’ Selezzjoni mhijiex se taċċetta applikazzjonijiet li jitressqu bl-idejn.

Mhi se tintbagħat l-ebda konferma ta’ riċevuta tal-fajls tal-applikazzjoni, ħlief jekk konferma ta’ riċevuta postali takkumpanja ittra rreġistrata.

Il-kandidati għandhom jindirizzaw ittra jew email (4) lill-Unità tal-Konkorsi u l-Proċeduri ta’ Selezzjoni jekk ma jirċevux email dwar l-applikazzjoni tagħhom sad-data mogħtija fl-aħħar paragrafu tal-avviż ta’ reklutaġġ.

Fil-korrispondenza kollha mibgħuta minn kandidat fir-rigward tal-applikazzjoni mressqa taħt isem partikolari, għandu jsir riferiment għal dan l-isem kif ukoll għan-numru tal-proċedura ta’ selezzjoni.

Kull korrispondenza indirizzata mill-Parlament Ewropew b’rabta mal-proċedura ta’ selezzjoni, inklużi l-konvokazzjonijiet għat-testijiet, tintbagħat bl-email fl-indirizz indikat mill-kandidat fl-applikazzjoni. Il-kandidat għandu r-responsabilità li jikkonsulta regolarment (tal-anqas darbtejn fil-ġimgħa) l-email tiegħu u li jinnotifika lill-Unità tal-Konkorsi u l-Proċeduri ta’ Selezzjoni dwar it-tibdil eventwali tal-informazzjoni personali tiegħu.

Għal kull komunikazzjoni dwar il-proċedura, jekk jogħġbok ibgħat email f’dan l-indirizz elettroniku:

PE-199-S@ep.europa.eu

Jekk il-kandidati ma jkunx jistgħu jikkonsultaw aktar l-emails tagħhom, hija r-responsabilità tagħhom li jinformaw minnufih lill-Unità tal-Konkorsi u l-Proċeduri ta’ Selezzjoni u li jagħtuha indirizz elettroniku ġdid.

Sabiex tinżamm l-indipendenza tal-kumitat ta’ selezzjoni, kull kuntatt, dirett jew indirett, tal-kandidati mal-kumitat ta’ selezzjoni huwa formalment ipprojbit u jista’ jwassal għall-esklużjoni mill-proċedura.

Kull korrispondenza indirizzata lill-kumitat ta’ selezzjoni, kif ukoll kull talba għall-informazzjoni jew korrispondenza oħra relatata mal-iżvolġiment tal-proċedura, għandha tkun indirizzata esklużivament lill-Unità tal-Konkorsi u l-Proċeduri ta’ Selezzjoni (4), li hija inkarigata mill-komunikazzjoni mal-kandidati sat-tmiem tal-proċedura ta’ selezzjoni.

5.   INFORMAZZJONI ĠENERALI

Opportunitajiet indaqs

Il-Parlament Ewropew jiżgura li jevita kull forma ta’ diskriminazzjoni.

Huwa japplika politika ta’ opportunitajiet indaqs u jaċċetta l-applikazzjonijiet mingħajr ebda diskriminazzjoni, bħal pereżempju diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.

Talbiet għal aċċess mill-kandidati għall-informazzjoni li tikkonċernahom

Fil-kuntest tal-proċeduri ta’ selezzjoni, jiġi rikonoxxut id-dritt speċifiku tal-kandidati li jkollhom aċċess, skont il-kondizzjonijiet deskritti hawn taħt, għal ċerta informazzjoni li tikkonċernahom direttament u individwalment. Bis-saħħa ta’ dan id-dritt, il-Parlament Ewropew jista’ jagħti lil kandidat, fuq talba tiegħu, l-informazzjoni addizzjonali li ġejja:

(a)

il-kandidati li ma jkunux għaddew mit-testijiet bil-miktub u/jew ma kinux fost dawk li ġew mistiedna għat-test orali jistgħu jiksbu, fuq talba tagħhom, kopja ta’ dawn it-testijiet kif ukoll kopja tal-karta tal-evalwazzjoni individwali li tinkludi l-evalwazzjonijiet mogħtija mill-kumitat ta’ selezzjoni. It-talba għandha ssir fi żmien xahar mid-data ta’ meta ntbagħtet l-ittra li tikkomunika d-deċiżjoni li temmet il-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ selezzjoni.

(b)

il-kandidati li ġew mistiedna għat-testijiet orali u li ma tniżżlux fil-lista ta’ riżerva se jiġu informati bil-punteġġ tagħhom fit-testijiet differenti wara li l-kumitat ta’ selezzjoni jkun stabbilixxa l-lista ta’ riżerva. Dawn il-kandidati jistgħu wkoll jiksbu kopja tat-testijiet bil-miktub tagħhom fil-kondizzjonijiet speċifikati taħt il-punt (a).

(c)

il-kandidati inklużi fil-lista ta’ riżerva jiġu informati biss li huma għaddew mill-proċedura ta’ selezzjoni.

It-talbiet huma pproċessati b’kunsiderazzjoni tas-segretezza tax-xogħlijiet tal-kumitat ta’ selezzjoni prevista mir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (Anness III, Artikolu 6) u fir-rispett tar-regoli dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi rigward l-ipproċessar tad-data personali.

Protezzjoni tad-data personali

Il-Parlament Ewropew, bħala l-korp responsabbli għall-organizzazzjoni tas-selezzjonijiet, jiżgura li d-data personali tal-kandidati tiġi pproċessata fir-rispett sħiħ tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (5), speċjalment rigward il-kunfidenzjalità u s-sigurtà tagħhom.

Spejjeż tal-ivvjaġġar u ta’ soġġorn

Il-kandidati mistiedna għat-testijiet jingħataw kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u ta’ soġġorn. Il-kandidati jiġu informati bl-arranġamenti u bit-tariffi applikabbli waqt l-istedina tagħhom għat-testijiet.

L-indirizz mogħti mill-kandidat fil-formola tal-applikazzjoni jitqies bħala l-post li minnu l-kandidat jitlaq biex jattendi t-testijiet. F’dan ir-rigward, bidla tal-indirizz ikkomunikata mill-kandidat wara li l-Parlament Ewropew ikun bagħat l-istedina għat-testijiet ma tistax tiġi kkunsidrata, ħlief jekk il-Parlament Ewropew iqis li ċ-ċirkostanzi msemmija mill-kandidat ikunu ekwivalenti għal forza maġġuri jew ikun każ mhux mistenni.


(1)  Ara r-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tal-Kunsill (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1) emendat mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 723/2004 (ĠU L 124, 27.4.2004, p. 1) u reċentement mir-Regolament (UE, Εuratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 15).

(2)  Dawn il-kondizzjonijiet japplikaw għall-kandidati kollha, inklużi l-uffiċjali u l-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea.

(3)  Il-kunsinna permezz ta’ kurrier privat titqies bħala rreġistrata. F’dan il-każ, id-data li tidher fuq il-formola tal-kunsinna titqies bħala d-data tal-kunsinna.

(4)  Indirizz: PARLEMENT EUROPÉEN, Unité concours — BMT 08 A 038, Procédure de sélection PE/199/S,

60 rue Wiertz, 1047 Bruxelles/Brussel, BELGIQUE/BELGIË.

Indirizz tal-email: PE-199-S@ep.europa.eu

(5)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

ANNESS I

Tabella indikattiva tad-diplomi li jagħtu aċċess għall-proċeduri ta’ selezzjoni tal-grupp ta’ funzjonijiet AD (1) (kull każ għandu jiġi eżaminat għalih)

PAYS

Enseignement de niveau universitaire — 4 ans ou plus

Enseignement de niveau universitaire — 3 ans au moins

Belgique — België — Belgien

Licence/Licentiaat/Diplôme d'études approfondies (DEA)/Diplôme d'études spécialisées (DES)/Diplôme d'études supérieures spécialisées (DESS)/Gediplomeerde in de Voortgezette Studies (GVS)/Gediplomeerde in de Gespecialiseerde Studies (GGS)/Gediplomeerde in de Aanvullende Studies (GAS)

Agrégation de l’enseignement secondaire supérieur (AESS)/Aggregaat

Ingénieur industriel/Industrïeel ingenieur/Master — 60/120 ECTS/Master complémentaire — 60 ECTS ou plus

Agrégation de l’enseignement secondaire supérieur (AESS) — 30 ECTS

Doctorat/Doctoraal Diploma

Bachelor académique (dit «de transition») — 180 ECTS

Academisch gerichte Bachelor — 180 ECTS

България

Диплома за висше образование Бакалавър — 240 ECTS/Магистър — 300 ECTS/Доктор

Магистър след Бакалавър — 60 ECTS/Магистър след Професионален бакалавър по … — 120 ECTS

 

Česká republika

Diplom o ukončení vysokoškolského studia/Magistr/Doktor

Diplom o ukončení bakalářského studia (Bakalář)

Danmark

Kandidatgrad/Candidatus/Master/Magistergrad (Mag.Art)/Licenciatgrad/Ph.d.-grad

Bachelorgrad (B.A or B. Sc)/Professionsbachelorgrad/Diplomingeniør

Deutschland

Master (alle Hochschulen)/Diplom (Univ.)/Magister/Staatsexamen/Doktorgrad

Bachelor/Fachhochschulabschluss (FH)

Staatsexamen (Regelstudienzeit 3 Jahre)

Eesti

Rakenduskõrghariduse diplom Bakalaureusekraad (160 ainepunkti)/Magistrikraad/Arstikraad/Hambaarstikraad/Loomaarstikraad/Filosoofiadoktor/Doktorikraad (120–160 ainepunkti)

Bakalaureusekraad (min 120 ainepunkti)/Bakalaureusekraad (< 160 ainepunkti)

Éire/Ireland

Céim Onórach Bhaitsiléara (4 bliana/240 ECTS) Honours Bachelor Degree (4 years/240 ECTS)/Céim Ollscoile University Degree/

Céim Mháistir (60-120 ECTS) Masters Degree (60-120 ECTS)/Céim Dochtúra Doctorate

Céim Onórach Bhaitsiléara (3 bliana/180 ECTS) (BA, B.Sc, B. Eng) Honours Bachelor Degree (3 years/180 ECTS) (BA, B.Sc, B. Eng)

Ελλάδα

Πτυχίο [ΑΕΙ (πανεπιστημίου, πολυτεχνείου), ΤΕΙ υποχρεωτικής τετραετούς φοίτησης] 4 χρόνια (1ος κύκλος)

Μεταπτυχιακό Δίπλωμα Ειδίκευσης (2ος κύκλος)

Διδακτορικό Δίπλωμα (3ος κύκλος)

 

España

Licenciado/Ingeniero/Arquitecto/Graduado/Máster Universitario/Doctor

Diplomado/Ingeniero técnico

Arquitecto técnico/Maestro

France

Maîtrise/MST (maîtrise des sciences et techniques)/MSG (maîtrise des sciences de gestion)

DEST (diplôme d'études supérieures techniques)/DRT (diplôme de recherche technologique)

DESS (diplôme d'études supérieures spécialisées)/DEA (diplôme d'études approfondies)

Master 1/Master 2 professionnel/Master 2 recherche

Diplôme des grandes écoles/Diplôme d'ingénieur/Doctorat

Licence

Italia

Diploma di Laurea (DL) — da 4 a 6 anni/Laurea specialistica (LS)/Laurea magistrale (LM)/Master universitario di primo livello/Master universitario di secondo livello/Diploma di Specializzazione (DS)/Dottorato di ricerca (DR)

Diploma universitario (3 anni)/Diploma di Scuola diretta a fini speciali (3 anni)/Laurea — L180 crediti

Κύπρος

Πανεπιστημιακό πτυχίο/Bachelor

Master/Doctorat

 

Latvija

Bakalaura diploms (160 kredītpunkti)/Profesionālā bakalaura diploms/Maģistra diploms/Profesionālā maģistra diploms/Doktora grāds

Bakalaura diploms (min. 120 kredītpunkti)

Lietuva

Aukštojo mokslo diplomas/Bakalauro diplomas/Magistro diplomas/Daktaro diplomas/Meno licenciato diplomas

Profesinio bakalauro diplomas/Aukštojo mokslo diplomas

Luxembourg

Master/Diplôme d'ingénieur industriel/DESS en droit européen

Bachelor/Diplôme d'ingénieur technicien

Magyarország

Egyetemi oklevél/Alapfokozat — 240 kredit/Mesterfokozat/Doktori fokozat

Főiskolai oklevél/Alapfokozat — 180 kredit vagy annál több

Malta

Bachelor's degree/Master of Arts/Doctorate

Bachelor’s degree

Nederland

HBO Bachelor degree

HBO/WO Master's degree

Doctoraal examen/Doctoraat

Bachelor (WO)

Österreich

Master Magister/Magistra

Magister/Magistra (FH)

Diplom-Ingenieur/in

Diplom-Ingenieur/in (FH)

Doktor/in

PhD

Bachelor

Bakkalaureus/Bakkalaurea

Bakkalaureus/Bakkalaurea (FH)

Polska

Magister/Magister inżynier

Dyplom doktora

Licencjat/Inżynier

Portugal

Licenciado/Mestre/Doutor

Bacharel/Licenciado

Hrvatska

Baccalaureus/baccalaurea (sveučilišni prvostupnik/prvostupnica)

Stručni specijalist

Master degree (magistar struke) 300 kredit min.

Magistar inženjer/magistrica inženjerka (mag. ing.)

Doktor struke/doktor umjetnosti

Baccalaureus/baccalaurea (sveučilišni prvostupnik/prvostupnica)

România

Diplomă de Licenţă/Diplomă de inginer/Diplomă de urbanist/Diplomă de Master/Diplomă de Studii Aprofundate/Certificat de atestare (studii academice postuniversitare)/Diplomă de doctor

Diplomă de Licență

Slovenija

Univerzitetna diploma/Magisterij/Specializacija/Doktorat

Diploma o pridobljeni visoki strokovni izobrazbi

Slovensko

diplom o ukončení vysokoškolského štúdia/bakalár (Bc.)/magister magister/inžinier/ArtD

diplom o ukončení bakalárskeho štúdia (bakalár)

Suomi/Finland

Maisterin tutkinto — Magister-examen

Ammattikorkeakoulututkinto — Yrkeshögskoleexamen (min 160 opintoviikkoa — studieveckor)

Tohtorin tutkinto (Doktorsexamen) joko 4 vuotta tai 2 vuotta lisensiaatin tutkinnon jälkeen — antingen 4 år eller 2 år efter licentiatexamen/Lisensiaatti/Licentiat

Kandidaatin tutkinto — Kandidatexamen/Ammattikorkeakoulututkinto -

Yrkeshögskoleexamen (min 120 opintoviikkoa — studieveckor)

Sverige

Magisterexamen (akademisk examen omfattande minst 160 poäng varav 80 poäng fördjupade studier i ett ämne + uppsats motsvarande 20 poäng eller två uppsatser motsvarande 10 poäng vardera)/Licentiatexamen/Doktorsexamen

Meriter på avancerad nivå: Magisterexamen, 1 år, 60 högskolepoäng/Masterexamen, 2 år, 120 högskolepoäng

Meriter på forskarnivå: Licentiatexamen, 2 år, 120 högskolepoäng/Doktorsexamen, 4 år, 240 högskolepoäng

Kandidatexamen (akademisk examen omfattande minst 120 poäng varav 60 poäng fördjupade studier i ett ämne + uppsats motsvarande 10 poäng)

Meriter på grundnivå:

Kandidatexamen, 3 år, 180 högskolepoäng (Bachelor)

United Kingdom

Honours Bachelor degree/Master's degree (MA, MB, MEng, MPhil, MSc)/Doctorate

(Honours) Bachelor degree

NB: Master's degree in Scotland


(1)  L-aċċess għall-gradi 7 sa 16 tal-grupp ta’ funzjonijiet AD huwa soġġett għall-kondizzjoni addizzjonali ta’ esperjenza professjonali adegwata ta’ mill-anqas sena.

ANNESS II

TALBIET GĦAL RIEŻAMI — APPELLI — ILMENTI LILL-OMBUDSMAN EWROPEW

Il-kandidati li jqisu li deċiżjoni laqtithom b’mod negattiv jistgħu jitolbu li jsir rieżami ta’ din id-deċiżjoni, jappellaw jew jippreżentaw ilment lill-Ombudsman Ewropew (1).

—   Talbiet għal rieżami

Introduċi talba ta’ rieżami permezz ta’ email fl-indirizz funzjonali tal-proċedura

PE-199-S@ep.europa.eu

fi żmien għaxart ijiem kalendarji li jiddekorru mid-data meta l-Unità tal-Konkorsi u l-Proċeduri ta’ Selezzjoni tkun bagħtet l-email li tinnotifika din id-deċiżjoni.

It-tweġiba se tiġi nnotifikata lill-persuna kkonċernata mill-aktar fis possibbli.

Din il-possibilità hija limitata għall-istadji tal-ammissjoni għall-konkors u tal-ammissjoni għat-testijiet bil-miktub u orali.

Appelli

Il-kandidati jistgħu jippreżentaw ilment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2), indirizzat lil:

M. le Secrétaire général

Parlement européen

Bât. Konrad Adenauer

2929 Luxembourg

LUXEMBOURG

Din il-possibilità hija miftuħa għall-istadji kollha tal-proċedura ta’ selezzjoni.

Għandha tiġi nnutata s-setgħa wiesgħa ta’ apprezzament li jgawdu minnha l-kumitati ta’ selezzjoni, li jiddeliberaw b’indipendenza sħiħa u li d-deċiżjonijiet tagħhom ma jistgħux jinbidlu mill-Awtorità tal-Ħatra. Din is-setgħa wiesgħa ta’ apprezzament hija soġġetta għall-kontroll biss f’każ ta’ ksur evidenti tar-regoli li jirregolaw ix-xogħlijiet. Id-deċiżjoni tal-kumitat ta’ selezzjoni tista’ b’hekk titressaq quddiem it-Tribunal tal-Unjoni Ewropea anke jekk ma jkun ġie ppreżentat ebda lment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-appell jitressaq lil:

Tribunal de l’Union européenne

2925 Luxembourg

LUXEMBOURG,

abbażi tal-Artikolu 270 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 91 tar-Regolament tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Din il-possibilità hija prevista biss għad-deċiżjonijiet meħuda mill-kumitat ta’ selezzjoni.

F’każ ta’ deċiżjonijiet amministrattivi li jirrifjutaw l-aċċess għall-proċedura ta’ selezzjoni minħabba n-nuqqas ta’ konformità tal-applikazzjoni mar-rekwiżiti ta’ ammissjoni kif stipulat fit-titolu B.1. tal-avviż, jista’ jsir appell quddiem it-Tribunal tal-Unjoni Ewropea biss wara li jsir ilment kif imsemmi hawn fuq.

It-talba għal appell quddiem it-Tribunal tal-Unjoni Ewropea teħtieġ b’mod obbligatorju l-intervent ta’ avukat li jista’ jeżerċita quddiem ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew taż-Żona Ekonomika Ewropea.

Il-limiti ta’ żmien imsemmija fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u li japplikaw għal dawn iż-żewġ tipi ta’ appelli jibdew jgħoddu, jew mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni inizjali li tolqot b’mod negattiv jew, fil-każ ta’ talba għal rieżami, mid-data tan-notifika tat-tweġiba inizjali tal-kumitat ta’ selezzjoni għal din it-talba.

Ilmenti lill-Ombudsman Ewropew

Bħal kwalunkwe ċittadin tal-Unjoni Ewropea, il-kandidati jistgħu jippreżentaw ilment lil:

L-Ombudsman Ewropew:

1, avenue du Président Robert Schuman — BP 403

67001 STRASBOURG CEDEX

FRANCE,

skont l-Artikolu 228(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u skont il-kondizzjonijiet previsti mid-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Marzu 1994 rigward ir-regolamenti u l-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman (3).

Għandha tinġibed l-attenzjoni tal-kandidati għall-fatt li l-ilmenti ppreżentati lill-Ombudsman ma jissospendux il-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għat-tressiq ta’ appell quddiem it-Tribunal tal-Unjoni Ewropea abbażi tal-Artikolu 270 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.


(1)  Il-preżentazzjoni ta’ talbiet għal rieżami, appelli jew ilmenti lill-Ombudsman Ewropew ma jwaqqfux ix-xogħlijiet tal-kumitat ta’ selezzjoni.

(2)  Ara r-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tal-Kunsill (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1) emendat mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 723/2004 (ĠU L 124, 27.4.2004, p. 1) u reċentement mir-Regolament (UE, Εuratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 15).

(3)  ĠU L 113, 4.5.1994, p. 15.


Image

Image

Image

Image

Image

Image

Image

Image

Image

Image

Image

Image