ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 483

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 59
23 ta' Diċembru 2016


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

2016/C 483/01

Kodiċi ta' kondotta għall-Membri u għall-ex Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

1


MT

 


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

23.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 483/1


Kodiċi ta' kondotta għall-Membri u għall-ex Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

(2016/C 483/01)

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA TAL-UNJONI EWROPEA

wara li rat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 253, 254, 257 u 339 tiegħu;

wara li rat l-Artikoli 2, 4, 6, 8, 18 u 47 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-Artikoli 4 sa 6 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll l-Artikoli 5 sa 7 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali;

billi tqis li l-obbligi li joħorġu mid-dispożizzjonijiet statutorji u regolatorji applikabbli għall-Membri u għall-ex Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu speċifikati f'kodiċi ta' kondotta;

tadotta dan il-Kodiċi ta' kondotta:

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni

Il-Kodiċi ta' kondotta japplika għall-Membri u għall-ex Membri tal-qrati li jifformaw jew li kienu jifformaw il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Prinċipji

1.   Il-Membri għandhom jiddedikaw lilhom infushom kompletament għat-twettiq tal-mandat taghhom.

2.   Il-Membri għandhom jeżerċitaw il-mandat tagħhom b'indipendenza, b'integrità, b'dinjità u b'imparzjalità sħiħa, u b'lealtà u b'diskrezzjoni, b'osservanza tar-regoli stabbiliti iktar 'il quddiem.

Artikolu 3

Indipendenza, integrità u dinjità

1.   Il-Membri għandhom jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom b'indipendenza u b'integrità sħiħa, mingħajr ma jieħdu inkunsiderazzjoni kwalunkwe interess personali jew nazzjonali. Huma la għandhom jitolbu u lanqas ma għandhom isegwu istruzzjonijiet mill-istituzzjonijiet, korpi jew organi tal-Unjoni, mill-gvernijiet tal-Istati Membri jew minn organi pubbliċi jew privati.

2.   Il-Membri ma għandhomx jaċċettaw rigali, ta' kwalunkwe natura, li jistgħu jikkompromettu l-indipendenza tagħhom.

3.   Il-Membri għandhom jirrispettaw id-dinjità tal-funzjonijiet tagħhom.

4.   Il-Membri għandhom jiżguraw li ma jġibux ruħhom u li ma jesprimux ruħhom, permezz ta' kwalunkwe mezz, b'mod li jippreġudika l-perċezzjoni pubblika tal-indipendenza tagħhom, tal-integrità tagħhom u tad-dinjità tal-funzjonijiet tagħhom.

Artikolu 4

Imparzjalità

1.   Il-Membri għandhom jevitaw kwalunkwe sitwazzjoni li tista' tagħti lok għal kunflitt ta' interessi personali, jew li tista' raġonevolment tiġi pperċepita bħala tali. Huma ma għandhomx jipparteċipaw fit-trattament ta' kawża li fiha jkollhom interess personali.

2.   Il-Membri għandhom jiżguraw li ma jġibux ruħhom u li ma jesprimux ruħhom, permezz ta' kwalunkwe mezz, b'mod li jippreġudika l-perċezzjoni pubblika tal-imparzjalità tagħhom.

Artikolu 5

Informazzjoni u dikjarazzjoni dwar l-interessi personali

1.   Il-Membri għandhom jinformaw lill-President tal-qorti li jagħmlu parti minnha meta jkunu meħtieġa jisimgħu kawża li fiha jkollhom interess li jista' jagħti lok għal kunflitt ta' interessi.

2.   Meta jassumu l-kariga tagħhom, il-Membri għandhom jibagħtu lill-President tal-qorti li jagħmlu parti minnha dikjarazzjoni dwar l-interessi finanzjarji tagħhom fis-sens tal-paragrafu 3.

3.   Id-dikjarazzjoni għandha tikkonċerna l-identifikazzjoni ta' kwalunkwe entità li fiha l-Membru jkollu interess finanzjarju dirett li, minħabba l-portata tiegħu, jista' raġonevolment jiġi pperċepit bħala li jista' jagħti lok għal kunflitt ta' interessi jekk il-Membru jkun meħtieġ jisma' kawża li timplika lil tali entità. Fid-dikjarazzjoni tiegħu, il-Membru għandu jidentifika kwalunkwe entità li fiha għandu tali interess finanzjarju, li jista' jieħu l-forma ta' sehem finanzjarju individwalizzat fil-kapital, b'mod partikolari fil-forma ta' azzjoni, jew kwalunkwe forma oħra ta' sehem, pereżempju bonds jew titoli ta' investimenti. L-entitajiet li fihom il-Membru jkollu sehem amministrat taħt id-diskrezzjoni ta' terz ma humiex ikkonċernati mid-dikjarazzjoni.

4.   Fil-każ ta' bidla dwar l-identifikazzjoni tal-entitajiet koperti mid-dikjarazzjoni fis-sens tal-paragrafu 3, għandha tiġi ppreżentata dikjarazzjoni ġdida fl-iqsar żmien possibbli u sa mhux iktar tard minn xahrejn wara l-bidla kkonċernata.

5.   Id-dikjarazzjoni deskritta fil-paragrafu 3 għandha tintbagħat permezz tal-formola li tinsab annessa ma' dan il-Kodiċi ta' kondotta.

6.   L-informazzjoni u d-dikjarazzjonijiet skont il-paragrafi 1 sa 3 huma intiżi li jippermettu lill-President tal-qorti kkonċernata jivverifika jekk Membru jkollux interess personali fis-soluzzjoni tat-tilwima f'kawża partikolari.

Artikolu 6

Lealtà

1.   Il-Membri għandhom josservaw l-obbligu ta' lealtà lejn l-istituzzjoni.

2.   Il-Membri għandhom jużaw b'mod rispettuż is-servizzi tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal l-oħra tal-istituzzjoni, b'mod partikolari ta' dawk assenjati lill-uffiċċju tagħhom.

3.   Il-Membri għandhom jiġġestixxu, b'mod responsabbli, ir-riżorsi materjali tal-istituzzjoni.

4.   Il-Membri għandhom jastjenu, f'kuntest barra mill-istituzzjoni, minn kwalunkwe kumment li jista' jagħmel ħsara lir-reputazzjoni tagħha.

Artikolu 7

Diskrezzjoni

1.   Il-Membri għandhom jirrispettaw in-natura sigrieta tad-deliberazzjonijiet.

2.   Il-Membri għandhom josservaw id-dmir ta' diskrezzjoni fit-trattament tal-kawżi ġudizzjarji u amministrattivi.

3.   Il-Membri għandhom josservaw, fl-attitudni tagħhom u fl-aġir tagħhom, ir-riżervatezza li jimplikaw il-funzjonijiet tagħhom.

Artikolu 8

Attivitajiet esterni

1.   Il-Membri għandhom jimpenjaw ruħhom li josservaw f'kull ċirkustanza l-obbligu ta' disponibbiltà tagħhom sabiex jiddedikaw ruħhom kompletament għat-twettiq tal-mandat tagħhom.

2.   Il-Membri ma jistgħux jeżerċitaw attivitajiet esterni ħlief meta dawn ikunu kompatibbli mad-dmirijiet tagħhom li joħorġu mill-Artikoli 2 sa 4, 6 u 7 ta' dan il-Kodiċi ta' kondotta. L-eżerċizzju ta' kwalunkwe attività professjonali oħra għajr dik li toħroġ mill-eżerċizzju tal-mandat tagħhom huwa inkompatibbli ma' dawn id-dmirijiet, bla ħsara għad-deroga prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 4 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

3.   Il-Membri jistgħu jiġu awtorizzati jeżerċitaw attivitajiet li jkunu marbuta mill-qrib mal-eżerċizzju tal-mandat tagħhom. F'dan il-kuntest:

huma jistgħu jiġu awtorizzati jirrappreżentaw lill-istituzzjoni jew lill-qorti li jagħmlu parti minnha f'avvenimenti jew manifestazzjonijiet protokollari jew uffiċjali;

huma jistgħu jiġu awtorizzati jipparteċipaw f'attivitajiet ta' interess Ewropew li jikkonċernaw, b'mod partikolari, id-diffużjoni tad-dritt tal-Unjoni u d-djalogu mal-qrati nazzjonali u internazzjonali. F'dan ir-rigward il-Membri jistgħu jiġu awtorizzati jagħmlu intervent fil-kuntest ta' tagħlim, ta' konferenza, ta' seminar jew ta' kollokju.

Huma biss l-interventi fil-kuntest ta' tagħlim li jistgħu jagħtu lok għal remunerazzjoni konformement mar-regoli tal-istabbiliment ta' tagħlim ikkonċernat.

L-attivitajiet tal-Membri, li jkunu ġew awtorizzati mill-qorti li jagħmlu parti minnha, għandhom jiġu ppubblikati fuq is-sit tal-Internet tal-istituzzjoni wara li tkun inżammet l-attività.

4.   Barra minn hekk, il-Membri jistgħu jiġu awtorizzati jeżerċitaw funzjonijiet mingħajr remunerazzjoni f'fundazzjonijiet jew f'organi analogi fil-qasam legali, kulturali, artistiku, soċjali, sportiv jew karitattiv, u fi stabbilimenti ta' tagħlim jew ta' riċerka. F'dan ir-rigward, huma għandhom jimpenjaw ruħhom li ma jeżerċitawx attivitajiet ta' ġestjoni ta' natura li jikkompromettu l-indipendenza jew id-disponibbiltà tagħhom u li jistgħu jagħtu lok għal kunflitt ta' interessi. Fundazzjonijiet jew organi analogi jfissru stabbilimenti jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta' lukru, li jwettqu attivitajiet ta' utilità pubblika fl-oqsma msemmija.

5.   Meta jkunu jixtiequ jipparteċipaw f'attività koperta mill-paragrafi 3 u 4, il-Membri għandhom jitolbu, permezz ta' formola speċifika, l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-qorti li jagħmlu parti minnha.

6.   Il-pubblikazzjonijiet kif ukoll id-drittijiet irċevuti fir-rigward tad-dritt tal-awtur marbut ma' dawn il-pubblikazzjonijiet huma permessi mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel.

Artikolu 9

Obbligi tal-Membri wara t-tmiem tal-funzjonijiet tagħhom

1.   Wara t-tmiem tal-funzjonijiet tagħhom, il-Membri jibqgħu marbuta mid-dmirijiet ta' integrità, ta' dinjità, ta' lealtà u ta' diskrezzjoni.

2.   Il-Membri għandhom jimpenjaw ruħhom li, wara t-tmiem tal-funzjonijiet tagħhom:

ma jipparteċipaw bl-ebda mod f'kawżi li kienu pendenti quddiem il-qorti li kienu jagħmlu parti minnha fil-mument tat-tmiem tal-funzjonijiet tagħhom;

ma jipparteċipaw bl-ebda mod f'kawżi marbuta b'mod dirett u evidenti ma' kawżi, anki jekk magħluqa, li huma kienu ttrattaw bħala Mħallef jew bħala Avukat Ġenerali;

u, għal perijodu ta' tliet snin minn din id-data, ma jipparteċipawx, bħala rappreżentanti tal-partijiet, jew bil-miktub jew fit-trattazzjoni orali, f'kawżi li jkunu qegħdin jinstemgħu quddiem il-qrati li jifformaw il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

3.   Fil-kawżi l-oħra għajr dawk previsti fit-tliet inċiżi tal-paragrafu 2, l-ex Membri jistgħu jintervjenu bħala aġent, konsulent jew perit, jagħtu opinjoni legali jew jeżerċitaw il-funzjoni ta' arbitru, bil-kundizzjoni iżda li josservaw l-obbligi li jirriżultaw mill-paragrafu 1.

4.   Fil-każ ta' dubju dwar l-applikazzjoni ta' dan l-artikolu, l-ex Membru jista' jindirizza l-kwistjoni lill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li għandu jiddeċiedi wara li jirċievi l-opinjoni tal-kumitat previst fl-Artikolu 10.

Artikolu 10

Applikazzjoni tal-Kodiċi

1.   Il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, assistit minn kumitat konsultattiv, għandu jiżgura l-applikazzjoni tajba ta' dan il-Kodiċi ta' kondotta.

Il-kumitat għandu jkun ikkostitwit mit-tliet Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja li għandhom l-iktar anzjanità fil-kariga kif ukoll mill-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja meta dan tal-aħħar ma jkunx wieħed minn dawn it-tliet Membri.

Fil-każ ta' kwistjoni li tikkonċerna Membru jew ex Membru tal-Qorti Ġenerali, il-President, il-Viċi President u Membru ieħor tal-Qorti Ġenerali għandhom jipparteċipaw fid-deliberazzjonijiet tal-kumitat.

Il-kumitat għandu jkun assistit mir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja.

2.   Il-kumitat jista', f'każ individwali u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jagħti l-opinjoni tiegħu lill-Membru jew lill-ex Membru kkonċernat wara li jkun instema'.

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ

1.   Dan il-Kodiċi ta' kondotta jħassar u jissostitwixxi l-Kodiċi ta' kondotta preċedenti (ĠU C 223, 2007 p. 1). Huwa jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2017.

2.   Id-dikjarazzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Membri fil-kariga fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Kodiċi ta' kondotta għandha tintbagħat lill-President tal-qorti li jagħmlu parti minnha sa mhux iktar tard minn xahar wara l-imsemmija data.


ANNESS

Image

Test ta 'immaġni