ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 273

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 59
27 ta' Lulju 2016


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2016/C 273/01

Avviż tal-Kummissjoni — Dokument ta' gwida tal-Kummissjoni dwar is-simplifikazzjoni tal-valutazzjonijiet ambjentali mwettqa skont l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali (id-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, kif emendata bid-Direttiva 2014/52/UE)

1

2016/C 273/02

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.8106 — Jones Lang Lasalle/Integral UK Holding) ( 1 )

7

2016/C 273/03

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.7986 — Sysco/Brakes) ( 1 )

7


 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2016/C 273/04

Rata tal-kambju tal-euro

8

2016/C 273/05

Noti ta’ Spjega għan-Nomenklatura Magħquda tal-Unjoni Ewropea

9

2016/C 273/06

Noti ta’ Spjega għan-Nomenklatura Magħquda tal-Unjoni Ewropea

9


 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE

MT

 


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

27.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 273/1


AVVIŻ TAL-KUMMISSJONI

Dokument ta' gwida tal-Kummissjoni dwar is-simplifikazzjoni tal-valutazzjonijiet ambjentali mwettqa skont l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali (id-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, kif emendata bid-Direttiva 2014/52/UE)

(2016/C 273/01)

1.   Introduzzjoni

Id-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali (VIA) (1) emendata għandha l-għan li ttejjeb il-protezzjoni ambjentali permezz tal-integrazzjoni ta’ konsiderazzjonijiet ambjentali fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet għall-approvazzjoni ta’ proġetti pubbliċi u privati li jeħtieġu valutazzjoni tal-effetti possibbli fuq l-ambjent.

Din il-proċedura tal-valutazzjoni tal-impatt ambjentali (VIA) ittejjeb ukoll iċ-ċertezza kummerċjali fl-interess tal-investiment pubbliku u privat, f’konformità mal-prinċipji tar-Regolamentazzjoni Aħjar. Il-liġi tal-UE xi kultant tista’ teħtieġ diversi valutazzjonijiet ambjentali għal proġett wieħed. Kull valutazzjoni titfassal biex timmassimizza tip speċifiku ta’ protezzjoni ambjentali. Madankollu, ir-rekwiżiti statutorji multipli u l-valutazzjonijiet paralleli għal proġett wieħed jistgħu jwasslu għal dewmien, diskrepanzi u inċertezza amministrattiva fl-applikazzjoni tagħhom. L-ispejjeż amministrattivi u ta’ implimentazzjoni jistgħu wkoll jiżdiedu, u jista’ jkun hemm diskrepanzi bejn dawn il-valutazzjonijiet u l-konsultazzjonijiet marbuta ma’ proġett partikolari.

Dan l-avviż jipprovdi gwida dwar is-simplifikazzjoni tal-proċedura tal-VIA. Jiffoka fuq ċerti passi tal-proċedura tal-VIA u jidentifika modi biex jiġu ssimplifikati l-valutazzjonijiet ambjentali differenti fil-kuntest ta’ proċeduri konġunti u/jew koordinati (ara l-Kapitolu 4). Dan l-avviż ma huwiex vinkolanti, u ma għandu ebda effett fuq jekk l-Istati Membri humiex obbligati jagħżlu bejn il-proċedura koordinata u dik konġunta jew jekk għandhomx jikkombinawhom. Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija l-unika sors ta’ interpretazzjoni definittiva tal-liġi tal-UE.

2.   Proċeduri koordinati u konġunti mwettqa skont l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva VIA, kif emendata

Id-Direttiva VIA (2) tipprevedi żewġ proċeduri li jissimplifikaw il-valutazzjonijiet ambjentali ta’ proġetti li jkunu soġġetti għall-valutazzjoni tal-impatt ambjentali (VIA) u għal valutazzjonijiet ambjentali oħra skont il-leġiżlazzjoni applikabbli tal-UE. Dawn huma:

(i)

il-proċedura konġunta, u

(ii)

il-proċedura koordinata.

Waħda minnhom jew it-tnejn flimkien jistgħu jiġu applikati għal proġett jew tip ta’ proġett. Il-koordinazzjoni jew l-amalgamazzjoni tal-proċeduri tal-valutazzjoni ambjentali applikati fuq proġett, sabiex jiġu evitati d-duplikazzjonijiet u l-eċċessi, filwaqt li jittieħed vantaġġ sħiħ mis-sinerġiji u jitnaqqas iż-żmien meħtieġ għall-awtorizzazzjoni, huwa magħruf bħala “simplifikazzjoni”. L-Istati Membri jistgħu jintroduċu proċeduri koordinati u/jew konġunti li jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-direttivi kkonċernati filwaqt li jitqiesu l-arranġamenti speċifiċi li huma jeħtieġu.

Taħt il-proċedura konġunta, l-Istati Membri jorganizzaw valutazzjoni unika tal-impatt ambjentali ta’ proġett partikolari. Dan ma jaffettwax id-dispożizzjonijiet f’leġiżlazzjoni oħra tal-UE li jistgħu jgħidu mod ieħor (3). Valutazzjoni unika, imwettqa skont id-Direttiva VIA, tissostitwixxi valutazzjonijiet multipli ta’ proġett partikolari. Il-valutazzjoni unika tiżgura li l-proġett huwa konformi mal-acquis applikabbli.

Taħt il-proċedura koordinata, l-Istati Membri jaħtru awtorità biex tikkoordina d-diversi valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali ta’ proġett. Din ma taffettwax id-dispożizzjonijiet f’leġiżlazzjoni oħra tal-UE li jistgħu jgħidu mod ieħor. Punt uniku ta’ kuntatt responsabbli għall-valutazzjonijiet ambjentali kollha jista’ jtejjeb iċ-ċarezza u l-effiċjenza kemm għall-iżviluppaturi kif ukoll għall-amministrazzjoni, u jipprovdi gwida matul il-proċedura kollha. Il-korp amministrattiv maħtur għandu rwol ċentrali fil-koordinazzjoni u jiżgura li l-valutazzjonijiet ambjentali jitwettqu bla xkiel.

L-Istati Membri jistgħu jagħżlu approċċi differenti għall-applikazzjoni ta’ kull proċedura. Xi wħud diġà introduċew proċeduri koordinati u/jew konġunti kif imsemmi fl-Artikolu 2(3) tad-Direttiva VIA (4). Huwa l-obbligu tal-Istat Membru li jiżgura t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-Artikolu 2(3) inkluż billi jintroduċi ċerti modifiki fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu.

Għal dan l-għan, jekk Stat Membru jagħżel proċedura konġunta, ikun xieraq li tiġi prevista valutazzjoni unika tal-impatti ambjentali ta’ proġett partikolari. Jekk Stat Membru jagħżel proċedura koordinata, ikun xieraq li tinħatar awtorità biex tikkoordina l-valutazzjonijiet individwali.

Il-punt sa fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva jeħtiġilha tiġi emendata jiddependi wkoll minn jekk l-Istati Membri ikunux inkorporaw il-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali fil-proċeduri eżistenti tal-kunsens għall-iżvilupp ta’ proġetti, proċeduri oħra, jew proċeduri stabbiliti biex tinkiseb konformità mal-objettivi tad-Direttiva VIA (l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva VIA).

Il-Kummissjoni ngħatalha mandat biex tipprovdi gwida dwar l-istabbiliment ta’ kwalunkwe proċedura koordinata u/jew konġunta għall-proġetti li simultanjament jeħtieġu valutazzjoni skont id-Direttiva VIA u d-Direttivi 92/43/KEE (“Direttiva dwar il-Ħabitats”) (5), 2000/60/KE (“Direttiva Qafas dwar l-Ilma”, WFD), 2009/147/KE (“Direttiva dwar l-Għasafar”) (6) jew 2010/75/UE (“Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali”, IED). Il-Kummissjoni tqis li tali gwida tkun ukoll konsistenti mal-objettivi tal-premessa 37 tad-Direttiva 2014/52/UE (7), li għandhom jitqiesu mill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tad-Direttiva VIA, kif emendata.

Filwaqt li s-simplifikazzjoni hija obbligatorja - “fejn ikun xieraq” - fir-rigward tal-VIA u l-“evalwazzjoni xierqa” skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats (8), u/jew skont id-Direttiva dwar l-Għasafar hija r-responsabilità tal-Istati Membri individwali li jiddeċiedu jekk japplikawx id-Direttiva VIA u d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma jew id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali.

3.   Ippjanar ta’ proċeduri simplifikati

L-għan tas-simplifikazzjoni huwa li jiġi stabbilit approċċ komprensiv u flessibbli għall-valutazzjoni li jista’ jiġi adattat għal kull proġett mingħajr ma jiġu kompromessi l-objettivi ambjentali jew l-implikazzjonijiet ta’ valutazzjonijiet individwali. L-approċċ ta’ simplifikazzjoni jgħin lill-iżviluppatur jikkunsidra l-valutazzjonijiet applikabbli, l-awtoritajiet li għandhom jiġu involuti u l-proċess ta’ konsultazzjoni. Dan jgħin biex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-valutazzjonijiet u d-dewmien fit-twettiq tagħhom.

Indipendentement minn jekk jittiħidx l-approċċ konġunt jew koordinat, jew kombinazzjoni tat-tnejn, jinħtieġ li l-ambitu tal-valutazzjonijiet ambjentali li għandhom jitwettqu jiġi stabbilit fi stadju bikri. B’dan ikunu jistgħu jiġu identifikati l-fatturi ambjentali li fuqhom x’aktarx il-proġett ikollu impatt. Fir-rigward tal-effiċjenza, l-ippjanar ta’ proċeduri koordinati u/jew konġunti simplifikati joħloq ċertezza u stabbiltà regolatorja. Dan l-approċċ jiffaċilta l-abbozzar tar-rapporti ambjentali u l-informazzjoni meħtieġa mid-Direttivi differenti.

Fejn tiġi applikata l-proċedura konġunta, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jagħżlu rapport ambjentali uniku integrat li jkopri l-informazzjoni miksuba mill-valutazzjonijiet kollha mwettqa. Biex tkun żgurata proċedura ta’ valutazzjoni sistematika u l-konformità mad-Direttivi kollha kkonċernati, huwa rakkomandat li jiġu vvalutati l-aspetti rilevanti kollha ta’ proġett sa mill-bidu nett. Fil-każ ta’ proċedura koordinata, l-awtorità maħtura tamministra d-diversi valutazzjonijiet li għandhom jitwettqu. Valutazzjoni konġunta, min-naħa l-oħra, tfisser li hemm biss valutazzjoni waħda tal-impatt ambjentali.

3.1.   Il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali (VIA) u l-evalwazzjoni xierqa (AA)

Id-Direttiva VIA tippreskrivi li, fil-każ ta’ proġetti li għalihom l-obbligu li jitwettqu valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali ikun ġej kemm mid-Direttiva VIA kif ukoll mid-Direttiva dwar il-Ħabitats, b’mod partikolari l-Artikolu 6(3)-(4) tad-Direttiva dwar il-Ħabitats (l-evalwazzjoni xierqa (AA)) u/jew skont id-Direttiva dwar l-Għasafar, l-Istati Membri għandhom, fejn xieraq, jiżguraw li jiġu previsti proċeduri koordinati u/jew konġunti li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dawn iż-żewġ Direttivi.

Il-kelma “għandhom” fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva VIA, kif emendata, tfisser li hemm obbligu li jitwettqu l-proċeduri; b’kuntrast ma’ dan, it-tieni paragrafu tal-istess artikolu, juża l-verb “tista” minflok, li jindika li teżisti għażla. Il-kliem “fejn ikun xieraq” jirreferi għall-kwistjoni dwar jekk iż-żewġ proċeduri humiex fil-fatt rilevanti fil-każ inkwistjoni. Fi kliem ieħor, jekk il-proġett ikkonċernat jeħtieġ valutazzjonijiet skont id-Direttiva VIA u d-Direttiva dwar il-Ħabitats, għandha titwettaq proċedura koordinata jew konġunta għajr meta dan ma jkunx rilevanti għall-proġett inkwistjoni. Huwa f’idejn l-Istat Membru kkonċernat li jiddetermina jekk il-proċedura hijiex rilevanti jew le.

3.2.   Il-VIA u leġiżlazzjoni oħra tal-UE

Hemm proġetti li għalihom l-obbligu li jitwettqu valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali jirriżulta kemm mid-Direttiva VIA kif ukoll minn leġiżlazzjoni oħra tal-UE minbarra d-Direttiva dwar il-Ħabitats (eż. id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (WFD), jew id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali (IED)). F’każijiet bħal dawn, l-Istati Membri jistgħu japplikaw il-proċedura koordinata, il-proċedura konġunta, jew kombinazzjoni tat-tnejn. Dan mhux obbligatorju għal Stat Membru li jissimplifika l-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali f’dawn iċ-ċirkostanzi.

Pereżempju, ċerti proġetti elenkati fid-Direttiva VIA jistgħu jaffettwaw speċijiet u ħabitats protetti f’siti Natura 2000, jew jistgħu jwasslu għal bidliet f’korpi tal-ilma. Proġetti li jinvolvu installazzjonijiet imsemmija kemm fid-Direttiva VIA kif ukoll fid-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali (IED) huma soġġetti għar-rekwiżiti taż-żewġ Direttivi. Fejn possibbli, il-proċeduri ta’ valutazzjoni għandhom isiru billi tintuża proċedura konġunta, biex b’hekk il-ġbir tad-dejta, il-konsultazzjoni pubblika u l-proċess ta’ valutazzjoni innifsu jsiru aktar effiċjenti.

4.   Simplifikazzjoni tal-valutazzjonijiet ambjentali: l-aħjar prattiki

4.1.   Tfassil tar-rapport ta’ valutazzjoni tal-impatt ambjentali

Il-kontenut tar-rapport ta’ valutazzjoni tal-impatt ambjentali (VIA) jista’ jkun differenti minn każ għall-ieħor, skont il-karatteristiċi speċifiċi ta’ proġett u l-karatteristiċi ambjentali li x’aktarx jiġu affettwati. Id-dejta u l-informazzjoni li l-iżviluppatur jinkludi fir-rapport VIA għandhom ikunu konformi mal-Anness IV tad-Direttiva VIA (9). L-informazzjoni u r-riżultati ta’ valutazzjonijiet oħra meħtieġa skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew tal-UE jistgħu, fejn rilevanti, jitqiesu bl-għan li tkun evitata d-duplikazzjoni tal-valutazzjonijiet. Il-leġiżlazzjoni rilevanti tinkludi l-“evalwazzjoni xierqa” skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats, id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali u d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma.

Madankollu, minħabba d-differenzi fl-ambitu tal-VIA u l-AA, l-informazzjoni rilevanti għall-AA u l-konklużjonijiet rilevanti fir-rigward tagħha għandhom ikun faċilment identifikabbli fir-rapport ta’ valutazzjoni tal-impatt ambjentali. L-informazzjoni miġbura matul il-proċedura tal-VIA ma tistax tissostitwixxi l-informazzjoni għall-AA, għaliex l-ebda proċedura ma tipprevali fuq l-oħra.

L-istabbiliment tal-ambitu u l-livell tad-dettall tal-informazzjoni ambjentali li għandha tkun ipprovduta f’rapport ta’ valutazzjoni tal-impatt ambjentali huma (jiġifieri d-definizzjoni tal-ambitu (scoping)) opzjonali. Madankollu, l-awtorità kompetenti għandha toħroġ opinjoni dwar l-ambitu u l-livell tad-dettall tal-informazzjoni li għandha tkun inkluża mill-iżviluppatur fir-rapport tal-VIA jekk l-iżviluppatur jitlob dan. Għandhom jitqiesu b’mod partikolari l-karatteristiċi speċifiċi tal-proġett, inklużi l-post, il-kapaċità teknika u l-impatt probabbli tiegħu fuq l-ambjent (10).

Id-definizzjoni tal-ambitu tista’ tkun utli fejn il-proċeduri konġunti u koordinati meħtieġa mid-direttivi rilevanti jistgħu jitwettqu f’kombinazzjonijiet differenti. Pereżempju, il-VIA u l-Evalwazzjoni Xierqa (AA) jistgħu jitwettqu jew b’mod konġunt jew bħala proċedura koordinata. Il-valutazzjonijiet WFD u IED jistgħu jiżdiedu, fejn xieraq. Il-valutazzjonijiet WFD u IED jistgħu jitwettqu b’mod konġunt mal-VIA u l-AA, jew jistgħu jkunu kkoordinati magħhom.

Biex tiġi żgurata l-kwalità għolja tal-informazzjoni ambjentali, huwa rakkomandat li d-definizzjoni tal-ambitu ssir obbligatorja bħala pass fil-valutazzjonijiet simplifikati. L-introduzzjoni ta’ termini ta’ żmien raġonevoli għad-definizzjoni tal-ambitu tista’ tgħin fis-simplifikazzjoni tal-valutazzjonijiet. Id-definizzjoni tal-ambitu hija utli wkoll għall-iżviluppatur tal-proġett, u din tiżgura trasparenza u ċertezza legali. Għalhekk, fażi ta’ koordinazzjoni bikrija li tinvolvi lill-awtoritajiet kompetenti, il-pubbliku u l-iżviluppatur qabel tibda l-valutazzjoni tal-impatt tista’ tagħmel il-proċess ġenerali aktar faċli u tista’ tidentifika xi problemi mill-bidu nett.

Meta tiġi applikata l-proċedura koordinata, is-simplifikazzjoni tippermetti lill-iżviluppatur biex jikkoordina l-ġbir tad-dejta u l-ġestjoni tal-proċeduri meħtieġa mid-diversi valutazzjonijiet ambjentali. Idealment, dan għandu jsir minn koordinatur ad hoc jew korp kompetenti maħtur. B’hekk għandu jkun possibbli li ssir koordinazzjoni tal-abbozzar tar-rapporti individwali.

Huwa rakkomandat li l-awtoritajiet nazzjonali jistabbilixxu bażi ta’ dejta nazzjonali jew reġjonali li fiha informazzjoni li tiddefinixxi l-istatus ambjentali qabel ma jitwettaq il-proġett. Sistema ta’ sottomissjoni elettronika jew pjattaforma komuni onlajn, jistgħu pereżempju jissimplifikaw u jgħinu jiċċentralizzaw ir-riżorsi disponibbli għall-ġbir u d-disseminazzjoni tad-dejta.

Jekk il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali (VIA) u l-proċedura ta’ evalwazzjoni xierqa (AA) huma ttrattati bl-użu ta’ proċedura konġunta, ikkomplementata minn proċedura koordinata għall-valutazzjonijiet applikabbli l-oħra, il-proċeduri konġunti u koordinati jistgħu jiġu kkombinati. Skont l-eżitu tal-proċess tad-definizzjoni tal-ambitu u n-natura tal-proġett, l-aħjar soluzzjoni tista’ tkun li jitfassal rapport ambjentali uniku u komprensiv.

GWIDA DWAR IT-TFASSIL TAR-RAPPORT TA’ VALUTAZZJONI TAL-IMPATT AMBJENTALI

L-iżviluppaturi għandhom jibdew jiġbru d-dejtamalli jkun possibbli waqt li l-proġett ikun fl-istadju ta’ tħejjija, abbażi tal-parir riċevut mill-awtoritajiet kompetenti.

Id-definizzjoni tal-ambitu hija prattika tajba fi kwalunkwe proċedura kemm jekk koġunta, koordinata, jew kombinata. Dan jagħmilha aktar faċli li jiġu stabbiliti l-ambitu u l-kontenut tar-rapport ambjentali globali u jiżgura li l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fuq il-bażi tad-diversi valutazzjonijiet ambjentali tkun koerenti.

Jekk Stat Membru jagħżel il-proċedura konġunta, ir-rapport ambjentali għandu preferibbilment jitħejja bħala dokument uniku li jinkludi l-informazzjoni kollha meħtieġa u l-konklużjonijiet. Għandhom jiġu vvalutati l-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull valutazzjoni ambjentali li għandha titwettaq b’rabta mal-proġett.

Jekk Stat Membru jagħżel il-proċedura koordinata, l-iżviluppatur jista’ jfassal aktar minn rapport ambjentali wieħed. Dawn jistgħu iktar tard jiġu kkonsolidati f’dokument uniku. Alternattivament, il-kontenuti tagħhom jistgħu jiġu kkoordinati.

4.2.   Konsultazzjoni u parteċipazzjoni pubblika

Il-parteċipazzjoni pubblika hija pass ewlieni fil-proċedura tal-VIA u u hija konformi mal-impenji internazzjonali tal-UE li jirriżultaw mill-Konvenzjoni ta’ Aarhus (11). Id-Direttiva VIA tistipula rekwiżiti vinkolanti għall-parteċipazzjoni pubblika (12). It-termini ta’ żmien sabiex il-pubbliku kkonċernat jiġi kkonsultat dwar ir-rapport VIA għandu jkun ta’ mill-inqas 30 jum (13). L-iżgurar tal-parteċipazzjoni pubblika fir-rigward tal-valutazzjonijiet ambjentali jippermetti livelli differenti ta’ konsultazzjonijiet, skont l-ispeċifiċitajiet tal-valutazzjoni kkonċernata. Hija prattika tajba li l-pubbliku jiġi informat u involut mill-bidu tal-proċedura tal-valutazzjoni ambjentali, jiġifieri fil-fażi tad-definizzjoni tal-ambitu. Dan japplika wkoll għal proċeduri ta’ valutazzjoni skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats.

Fil-każ ta’ proċedura konġunta, ir-rapport ambjentali uniku għandu jkun disponibbli pubblikament fi żmien raġonevoli. Il-pubbliku għandu jingħata opportunitajiet sabiex jipparteċipa b’mod effettiv fit-teħid ta’ deċiżjonijiet ambjentali (14).

Fil-każ ta’ proċedura ambjentali koordinata, l-awtorità maħtura responsabbli għall-koordinazzjoni tista’ tiżgura li l-pubbliku jkollu aċċess għal informazzjoni u jkun jista’ jipparteċipa kif deskritt fl-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva VIA, u f’biċċiet oħra ta’ leġiżlazzjoni tal-UE li jippreskrivu konsultazzjoni u parteċipazzjoni pubblika, flimkien ma’ informazzjoni mħejjija skont id-Direttiva VIA.

GWIDA DWAR IL-KONSULTAZZJONI U L-PARTEĊIPAZZJONI PUBBLIKA

Għandu jkun hemm ippjanar ta’ konsultazzjoni u parteċipazzjoni pubblika fl-istadji differenti tal-proċeduri ambjentali simplifikati. Huwa rakkomandat li l-pubbliku jiġi involut minn kmieni, fil-fażi tad-definizzjoni tal-ambitu.

Jekk il-valutazzjonijiet li għandhom jitwettqu jirrikjedu diversi konsultazzjonijiet pubbliċi, dawn għandhom isiru jew skont proċedura ta’ konsultazzjoni unika u integrata jew permezz ta’ proċeduri koordinati.

L-istabbiliment ta’ termini ta’ żmien massimi sabiex il-pubbliku jiġi informat u jitwettqu l-konsultazzjonijiet pubbliċi jagħmel il-proċedura aktar faċli u aktar effiċjenti, kemm għall-awtoritajiet kompetenti kif ukoll għall-iżviluppaturi.

4.3.   Teħid ta’ deċizjonijiet

Għall-kuntrarju tad-Direttiva VIA, l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Ħabitats jistipula li r-riżultati tal-“evalwazzjoni xierqa” huma vinkolanti għall-kunsens għall-iżvilupp ta’ proġett. Dan ifisser li l-awtoritajiet kompetenti ma jistgħux jawtorizzaw proġett għajr jekk l-“evalwazzjoni xierqa” (AA) tikkonkludi li dan mhux se jaffettwa b’mod begattiv l-integrità tas-sit ikkonċernat Natura 2000.

Jekk proġett jeħtieġ l-applikazzjoni simultanja ta’ VIA u AA, tapplika l-proċedura konġunta jew koordinata. L-esperjenza turi li l-proċedura konġunta li tinvolvi kemm VIA kif ukoll AA tiżgura valutazzjoni aħjar tal-kwalità, u hija l-mod rakkomandat biex jitwettqu ż-żewġ evalwazzjonijiet. Konsegwentement, meta jiġi deċiż li jingħata jew jinċaħad il-kunsens għall-iżvilupp ta’ proġett vvalutat kemm skont id-Direttiva VIA kif ukoll skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Ħabitats, id-deċiżjoni għandha preferibbilment tkun akkumpanjata minn informazzjoni dwar l-AA, u għandha tkun konformi mal-eżiti tal-AA (jew mar-rekwiżiti tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar il-Ħabitats li japplikaw f’ċirkostanzi speċifiċi (15)).

Fejn id-deċiżjoni tal-VIA tippreskrivi miżuri maħsuba sabiex jiġu evitati, impediti jew imnaqqsa u, jekk possibbli, ikkontrobilanċjati l-effetti negattivi sinifikanti fuq l-ambjent, u tippreskrivi proċeduri għall-monitoraġġ ta’ tali effetti, huwa rakkomandat, fil-kuntest tal-valutazzjonijiet ambjentali simplifikati, li tiġi inkluża informazzjoni dwar is-soluzzjonijiet alternattivi, il-miżuri ta’ mitigazzjoni u, jekk ikun rilevanti, il-miżuri ta’ kumpens identifikati fir-rigward ta’ siti Natura 2000.

GWIDA DWAR IT-TEĦID TA’ DEĊIŻJONIJIET

Il-proċedura konġunta tal-VIA u l-AA tiżgura kwalità aħjar, peress li hija koperta wkoll minn konsultazzjoni pubblika. Meta tittieħed deċiżjoni li jingħata jew jinċaħad kunsens għall-iżvilupp ta’ proġett, huwa għalhekk rakkomandat li d-deċiżjoni tiġi kkomplementata b’informazzjoni dwar l-“evalwazzjoni xierqa”, u li din tkun konformi mal-eżiti ta’ dik l-evalwazzjoni.

Id-Deċiżjoni b’segwitu għall-valutazzjonijiet ambjentali simplifikati jistgħu jinkludu wkoll informazzjoni dwar is-soluzzjonijiet alternattivi, il-miżuri ta’ mitigazzjoni u, jekk rilevanti, il-miżuri ta’ kumpens identifikati fir-rigward tas-siti Natura 2000 fil-kuntest tal-AA jew fir-rapport globali dwar l-ambjent.


(1)  Id-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 26, 28.1.2012, p. 1), kif emendata bid-Direttiva 2014/52/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 (ĠU L 124, 25.4.2014, p. 1). Id-Direttiva 2011/92/UE hija kodifikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta’ Ġunju 1985 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata bid-Direttiva 1997/11/KE, id-Direttiva 2003/35/KE u d-Direttiva 2009/31/KE.

(2)  L-Artikolu 2(3) tad-Direttiva VIA emendata jaqra:

“3.

Fil-każ ta’ proġetti li għalihom l-obbligu li jitwettqu valutazzjonijiet tal-effetti fuq l-ambjent jirriżulta simultanjament minn din id-Direttiva u mid-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE u/jew id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn ikun xieraq, ikunu provduti proċeduri koordinati u/jew konġunti li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dik il-leġislazzjoni tal-Unjoni.

Fil-każ ta’ proġetti li għalihom l-obbligu li jitwettqu valutazzjonijiet tal-effetti fuq l-ambjent jirriżulta simultanjament kemm minn din id-Direttiva kif ukoll minn leġislazzjoni tal-Unjoni li mhijiex id-Direttivi msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jipprovvdu għal proċeduri koordinati u/jew konġunti.

Taħt il-proċedura koordinata msemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, l-Istati Membri għandhom jipprovaw jikkoordinaw id-diversi valutazzjonijiet individwali tal-impatt ta’ proġett partikolari fuq l-ambjent, li jkunu meħtieġa mil-leġislazzjoni rilevanti tal-Unjoni, billi jaħtru awtorità għal dan l-iskop, mingħajr ħsara għal kwalunkwe dispożizzjoni kuntrarja li tinsab f’leġislazzjoni rilevanti oħra tal-Unjoni.

Taħt il-proċedura konġunta msemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, l-Istati Membri għandhom jipprovaw jipprovdu valutazzjoni waħda tal-impatti fuq l-ambjent ta’ proġett partikolari, meħtieġa mil-leġislazzjoni rilevanti tal-Unjoni, mingħajr ħsara għal kwalunkwe dispożizzjoni kuntrarja li tinsab f’leġislazzjoni rilevanti oħra tal-Unjoni.

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi gwida fil-qasam tat-twaqqif ta’ proċeduri koordinati jew konġunti għall-proġetti li huma simultanjament suġġetti għal valutazzjonijiet kemm taħt din id-Direttiva kif ukoll taħt id-Direttivi 92/43/KEE, 2000/60/KE, 2009/147/KE u 2010/75/UE.”

(3)  Il-paragrafu 4 tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva EIA, kif emendata jistipula li l-proċedura konġunta msemmija fiha tapplika “mingħajr ħsara għal kwalunkwe dispożizzjoni kuntrarja li tinsab f’leġislazzjoni rilevanti oħra tal-Unjoni”.

(4)  Pereżempju, id-Direttiva tal-Kunsill 97/11/KE tat-3 ta’ Marzu 1997 li temenda d-Direttiva 85/337/KEE (id-Direttiva VIA), tindroduċi l-għażla li ġejja: “L-Istati Membri jistgħu jipprovdu proċedura waħdiena sabiex iwettqu l-ħtiġijiet ta’ din id-Direttiva u l-ħtiġijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE tal-24 ta’ Settembru 1996 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġiż.” (l-Artikolu 2a).

(5)  Dan id-dokument ta’ gwida jagħti attenzjoni partikolari lill-“valutazzjoni xierqa” tal-implikazzjonijiet fuq is-siti Natura 2000, jiġifieri Siti ta’ Importanza Komunitarja (SIK) u Żoni Speċjali ta’ Konservazzjoni (ŻSK) skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats u ż-Żoni ta’ Protezzjoni Speċjali (ŻPS) skont id-Direttiva dwar l-Għasafar, kif stabbilit fl-Artikolu 6(3)-(4) tad-Direttiva dwar il-Ħabitats. Minbarra l-valutazzjoni xierqa, proċeduri ta’ valutazzjoni jistgħu jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikoli 12 u 16 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats u l-Artikoli 5 u 9 tad-Direttiva dwar l-Għasafar.

(6)  Skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats, iż-ŻPS ikklassifikati skont id-Direttiva dwar l-Għasafar huma soġġetti wkoll għad-dispożizzjonijiet ta’ valutazzjoni xierqa skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats.

(7)  

“(37)

Sabiex titjieb l-effikaċja tal-valutazzjoni, titnaqqas il-kumplessità amministrattiva u tiżdied l-effiċjenza ekonomika, meta l-obbligu li jitwettqu valutazzjonijiet relatati ma’ kwistjonijiet ambjentali joriġina simultanjament minn din id-Direttiva u/jew d-Direttiva 92/43/KEE u/jew id-Direttiva 2009/147/KE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, fejn xieraq u fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi ta’ organizzazzjoni tagħhom, li jiġu previsti proċeduri koordinati u/jew konġunti li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dawn id-Direttivi. Fejn l-obbligu li jitwettqu valutazzjonijiet relatati ma’ kwistjonijiet ambjentali joriġina simultanjament minn din id-Direttiva u minn leġislazzjoni oħra tal-Unjoni, bħad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttiva 2001/42/KE, id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u d-Direttiva 2012/18/UE, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jipprovdu għal proċeduri koordinati u/jew konġunti li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-leġislazzjoni rilevanti tal-Unjoni. Fejn jiġu stabbiliti proċeduri koordinati jew konġunti, l-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità responsabbli għat-twettiq tad-dmirijiet korrispondenti. B’kont meħud tal-istrutturi istituzzjonali, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jaħtru aktar minn awtorità waħda, meta jqisu li dan huwa meħtieġ.”

(8)  L-Artikolu 2(3) tad-Direttiva VIA, paragrafu 1.

(9)  L-Artikolu 5 tad-Direttiva VIA, kif emendata.

(10)  L-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali (VIA), kif emendata.

(11)  Huwa meħtieġ skont il-Konvenzjoni tal-UNECE dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (il-Konvenzjoni ta’ Aarhus), li l-UE u l-Istati Membri tagħha huma partijiet.

(12)  Id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u d-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali jinkludu wkoll dispożizzjonijiet dwar il-parteċipazzjoni pubblika. L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-konformità ma’ dawn id-dispożizzjonijiet f’każijiet rilevanti.

(13)  L-Artikolu 6(7) tad-Direttiva VIA, kif emendata.

(14)  L-Artikolu 6 tad-Direttiva VIA, kif emendata.

(15)  Skont l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar il-Ħabitats, jekk l- “evalwazzjoni xierqa” tikkonkludi li l-effetti negattivi ma jistgħux jiġu esklużi, xorta tista’ tingħata awtorizzazzjoni, dment li japplikaw kundizzjonijiet stretti speċifiċi (m’hemmx soluzzjonijiet alternattivi, hemm raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku prevalenti, instabu miżuri ta’ kumpens għal danni li se jiżguraw li n-netwerk Natura 2000 jibqa’ koerenti). Il-Kummissjoni għandha tkun infurmata f’każ bħal dan, u, f’ċirkostanzi speċifiċi, tagħti opinjoni.


27.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 273/7


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.8106 — Jones Lang Lasalle/Integral UK Holding)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2016/C 273/02)

Fid-19 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss fl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta’ amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32016M8106. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-Internet għal-liġi Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


27.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 273/7


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.7986 — Sysco/Brakes)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2016/C 273/03)

Fid-9 ta’ Ġunju 2016, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss fl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta’ amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32016M7986. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

27.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 273/8


Rata tal-kambju tal-euro (1)

Is-26 ta’ Lulju 2016

(2016/C 273/04)

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,0997

JPY

Yen Ġappuniż

114,67

DKK

Krona Daniża

7,4393

GBP

Lira Sterlina

0,83710

SEK

Krona Żvediża

9,5124

CHF

Frank Żvizzeru

1,0870

ISK

Krona Iżlandiża

 

NOK

Krona Norveġiża

9,4370

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

27,021

HUF

Forint Ungeriż

313,16

PLN

Zloty Pollakk

4,3629

RON

Leu Rumen

4,4657

TRY

Lira Turka

3,3508

AUD

Dollaru Awstraljan

1,4599

CAD

Dollaru Kanadiż

1,4553

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

8,5301

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,5561

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,4925

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 249,22

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

15,8672

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,3357

HRK

Kuna Kroata

7,4855

IDR

Rupiah Indoneżjan

14 488,80

MYR

Ringgit Malażjan

4,4693

PHP

Peso Filippin

51,855

RUB

Rouble Russu

72,8920

THB

Baht Tajlandiż

38,494

BRL

Real Brażiljan

3,6080

MXN

Peso Messikan

20,6734

INR

Rupi Indjan

74,0420


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


27.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 273/9


Noti ta’ Spjega għan-Nomenklatura Magħquda tal-Unjoni Ewropea

(2016/C 273/05)

Skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (1), in-Noti ta’ Spjega għan-Nomenklatura Magħquda tal-Unjoni Ewropea (2) huma emendati kif ġej:

Fuq paġna 381

9503 00

Triċikletti, skuters, karozzi tal-pedali u ġugarelli bir-roti simili; karozzelli tal-pupi; pupi; ġugarelli oħra; mudelli f’qies imċekken (“skala”) u mudelli ta’ rikreazzjoni simili, jaħdmu jew le; puzzles ta’ kull tip

Il-punt li ġej jiżdied mat-tieni paragrafu:

“(d)

oġġetti miġmugħa flimkien komposti minn ħolqa taċ-ċwievet u ġugarell, li huma magħqudin b’mod li jiffaċilita l-manipulazzjoni taċ-ċwievet mehmuża (pereżempju, katina jew klippijiet li jduru (swivel clips)), u li, skont il-qies/in-natura u d-disinn tagħhom, huma prinċipalment maħsuba biex iżommu ċ-ċwievet u li normalment jinġarru fil-but jew fil-ħendbeg (ġeneralment, ikklassifikat skont il-materjal kostitwenti tal-ħolqa taċ-ċwievet).”


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).

(2)  ĠU C 76, 4.3.2015, p. 1.


27.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 273/9


Noti ta’ Spjega għan-Nomenklatura Magħquda tal-Unjoni Ewropea

(2016/C 273/06)

Skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (1), in-Noti ta’ Spjega għan-Nomenklatura Magħquda tal-Unjoni Ewropea (2) huma emendati kif ġej:

Fuq paġna 367

Jiddaħħal it-test li ġej:

8714 99 90

Oħrajn; partijiet

Dan is-subtitlu jinkludi sedili tat-tfal maħsuba għat-trasport tat-tfal fuq ‘roti tal-adulti’. Dawn jistgħu jkunu mmuntati fuq il-mezz ta’ ġarr, jew il-qafas jew ikunu jistgħu jitwaħħlu fuq jew mal-pumi. Dawn is-sedili huma tajbin prinċipalment biex jintużaw biss mar-roti u huma għalhekk ikkunsidrati bħala aċċessorju ta’ rota.”


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).

(2)  ĠU C 76, 4.3.2015, p. 1.