ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 291

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 58
4 ta' Settembru 2015


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

Il-507 Sessjoni Plenarja tal-KESE fit-22 u t-23 ta' April 2015

2015/C 291/01

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-implikazzjonijiet tal-politika tal-klima u l-enerġija għas-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija (opinjoni esploratorja)

1

2015/C 291/02

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-iżvilupp tas-sistema ta’ governanza proposta fil-kuntest tal-qafas dwar il-klima u l-enerġija għall-2030 (Opinjoni esploratorja mitluba mill-Kummissjoni Ewropea)

8

2015/C 291/03

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Progress u Sfidi (Opinjoni esploratorja mitluba mill-Parlament Ewropew)

14

2015/C 291/04

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Ir-rwol tas-soċjetà ċivili fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Albanija (opinjoni esploratorja)

21

2015/C 291/05

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-awtoregolazzjoni u l-koregolazzjoni fil-qafas leġislattiv Komunitarju (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

29

2015/C 291/06

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Politika industrijali għas-settur Ewropew tal-ħġieġ

40

2015/C 291/07

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomikuu Soċjali Ewropew dwar Il-promozzjoni tas-suq uniku Ewropew li jikkombina l-inġinerija bijomedika mal-industrija tas-servizzi mediċi u tal-kura

45


 

III   Atti preparatorji

 

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

 

Il-507 Sessjoni Plenarja tal-KESE fit-22 u t-23 ta' April 2015

2015/C 291/08

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Id-dimensjoni urbana tal-politiki tal-UE – Aspetti prinċipali tal-Aġenda Urbana tal-UE[COM(2014) 490 final]

54

2015/C 291/09

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jiffissa r-rata ta’ aġġustament prevista fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1306/2013 għall-pagamenti diretti għas-sena kalendarja 2015(COM(2015) 141 final — 2015/0070 COD)

60


MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

OPINJONIJIET

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Il-507 Sessjoni Plenarja tal-KESE fit-22 u t-23 ta' April 2015

4.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 291/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-implikazzjonijiet tal-politika tal-klima u l-enerġija għas-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija”

(opinjoni esploratorja)

(2015/C 291/01)

Relatur:

Mindaugas MACIULEVIČIUS

Nhar is-26 ta’ Settembru 2014, il-Presidenza Latvjana li jmiss tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

L-implikazzjonijiet tal-politika tal-klima u l-enerġija għas-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija

(Opinjoni esploratorja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar id-9 ta’ April 2015.

Matul il-507 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-22 u t-23 ta’ April 2015 (seduta tat-22 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’147 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jenfasizza li t-tibdil fil-klima huwa sfida globali. Meta jiddeċiedu dwar il-kontribut tal-UE għal ftehim globali dwar il-klima, l-UE u l-Istati Membri għandhom iqisu d-differenzi fil-linji politiċi madwar id-dinja u jqisu l-impatti tat-tibdil fil-klima u l-potenzjal ta’ mitigazzjoni. Il-politiki tal-UE għandhom jindirizzaw l-isfida li tinżamm is-sigurtà tal-ikel minkejja d-domanda dejjem tikber, filwaqt li jżommu l-kompetittività tal-UE fis-setturi agrikoli u tal-forestrija, u jsaħħu l-attrazzjoni ta’ produtturi lokali tal-UE mingħajr ma jimponu piżijiet żejda fuq il-bdiewa u s-sidien tal-foresti. L-UE għandha tkun mudell ta’ biedja ekonomikament, soċjalment u ambjentalment sostenibbli. Il-qafas tal-politika tal-UE jeħtieġ li jkun koerenti u konsistenti.

1.2.

Jeħtieġ li jiġi kkunsidrat il-kuntest globali sabiex tiġi evitata r-rilokazzjoni tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni intensiva fl-enerġija u fl-emissjonijiet lejn partijiet oħra tad-dinja, li jista’ anke jwassal għal żieda tal-emissjonijiet globali totali filwaqt li titnaqqas il-kompetittività tas-setturi Ewropej tal-agrikoltura u l-forestrija.

1.3.

Id-deċiżjoni li jiġu integrati l-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF) fil-qafas ta’ politika ta’ wara l-2020 toħloq livell għoli ta’ inċertezza għas-settur tal-biedja, u f’xi każijiet għas-settur tal-forestrija. Għadu mhuwiex ċar jekk din twassalx għal “sink-effect” jew jekk l-integrazzjoni twassalx għal emissjonijiet addizzjonali f’għadd ta’ reġjuni. Kwalunkwe deċiżjoni trid tkun ibbażata fuq ix-xjenza u għandha tittieħed wara li tkun saret valutazzjoni tal-impatt adatta tal-alternattivi differenti fil-livell tal-Istati Membri.

1.4.

Meta tkun qed tittieħed deċiżjoni dwar il-miri għal wara l-2020 għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra għall-Istati Membri fis-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija, il-KESE jappella għal flessibbiltà, speċjalment fl-Istati Membri li bħalissa qed iħallu impronta ambjentali iżgħar b’mod sinifikanti fl-agrikoltura jew il-forestrija.

1.5.

Minħabba li hu mistenni impatt ekonomiku u soċjali pożittiv ħafna, speċjalment għall-ħolqien tal-impjiegi f’żoni rurali, il-KESE jħeġġeġ strateġija attiva li tqis il-potenzjal għal tkabbir sostenibbli u ekonomikament vijabbli ta’ bijomassa għall-bijoenerġija u l-bijoekonomija inġenerali, kif ukoll l-agrikoltura intensifikata b’mod sostenibbli, biex b’hekk jiġi garantit dħul addizzjonali għoli u stabbli għall-bdiewa, is-sidien tal-foresti u l-komunitajiet rurali, u tingħata spinta lill-investiment fl-infrastruttura u l-ħtiġijiet soċjali taż-żoni rurali.

1.6.

Il-foresti u l-prodotti tal-injam jistgħu jaħżnu iżjed CO2. Kemm il-ġestjoni attiva tal-foresti kif ukoll l-użu akbar ta’ prodotti tal-injam jistgħu jżidu t-tneħħija u l-ħżin tas-CO2. L-effetti ta’ sostituzzjoni addizzjonali jistgħu jkunu mistennija meta prodotti tal-injam jissostitwixxu prodotti jew materjali konvenzjonali.

1.7.

Is-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija huma kumplessi, strutturi bijoloġiċi mhux mifhuma kompletament, fejn bidliet kbar m’għandhomx jiġu proposti u implimentati bħala soluzzjonijiet temporanji biex jintlaħqu miri għal medda qasira ta’ żmien. L-enfasi fuq il-miri tal-2020 u tal-2030 tirrapreżenta perjodu wisq qasir għal sistemi bijoloġiċi. M’għandhom jiġu proposti l-ebda soluzzjonijiet globali dwar sistemi bijoloġiċi għar-reġjun kollu tal-UE, fid-dawl taċ-ċirkostanzi lokali differenti ħafna u li xi kultant mhumiex mistennija.

1.8.

Ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-iżvilupp huma l-fatturi ewlenin li jwasslu għal tranżizzjoni lejn agrikoltura u forestrija sostenibbli, inkluż għall-bijoenerġija u l-bijoekonomija, f’konformità mal-objettivi tal-politika dwar il-klima. Il-KESE jappella lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri biex iżidu l-finanzjament għal ħidma f’dan il-qasam, u jappella għal sforz konġunt fejn is-sejbiet huma kondiviżi bejn il-komunitajiet tar-riċerka. Is-soluzzjoni għal implimentazzjoni b’suċċess tal-innovazzjoni hija li tiġi promossa b’mod attiv permezz ta’ korpi konsultattivi u edukattivi lill-utenti finali fis-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija.

1.9.

Politiki tal-UE, flimkien ma’ programmi ta’ riċerka u innovazzjoni speċifiċi kkombinati ma’ inċentivi finanzjarji lill-bdiewa u lis-sidien tal-foresti għandhom:

jippromovu tranżizzjoni gradwali lejn mudelli agrikoli ħielsa mill-karburanti fossili,

jiffokaw fuq it-titjib tal-effiċjenza tas-sistemi ta’ produzzjoni kollha, u

jappoġġjaw użu aktar effiċjenti tar-riżorsi, inklużi l-art, l-ilma u n-nutrijenti.

1.10.

Il-KESE jenfasizza li d-djalogu ċivili u l-inizjattivi ċivili bejn il-partijiet interessati u l-istituzzjonijiet lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej huma l-aktar mod effiċjenti kif jinħoloq il-qafas tal-politika għas-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija. L-aħjar eżempji ta’ dan it-tip ta’ involviment, inklużi sħubijiet pubbliċi-privati li rnexxew, għandhom jiġu maqsuma fost l-Istati Membri.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Fuq talba għal konsultazzjoni tal-Presidenza Latvjana tal-UE, il-KESE iddeċieda li jħejji din l-Opinjoni sabiex jikkomunika l-fehmiet tas-soċjetà ċivili dwar l-aħjar modi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u tiżdied it-tneħħija tas-CO2 fis-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija b’mod kosteffiċjenti u mingħajr ma jiġu mxekkla l-iżvilupp sostenibbli u l-kompetittività tal-UE.

2.2.

Il-KESE jirrikonoxxi li l-implikazzjonijiet tal-politika tal-UE dwar il-klima u l-enerġija għall-iżvilupp tas-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija huma kumplessi. Fid-dawl ta’ dan il-fatt, l-Opinjoni għandha l-għan li tiddeskrivi l-impatti ewlenin tal-qafas ta’ politika attwali tal-UE għaż-żewġ setturi u l-kontribut li diġà sar għall-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima, biex jiġu enfasizzati l-opportunitajiet potenzjali għas-setturi, u jiġu indirizzati l-aspetti soċjali u l-effetti fuq is-soċjetà ċivili u biex jiġu proposti rakkomandazzjonijiet dwar il-post u r-rwol tas-setturi tal-agrikoltura u tal-foresterija fil-qafas ta’ politika tal-enerġija u tal-klima għall-2030 tal-UE.

2.3.

L-Unjoni Ewropea qablet fuq l-għanijiet tagħha tal-enerġija u tal-klima fil-pakkett ta’ leġislazzjoni vinkolanti tal-2009 (1) li jinforza l-hekk imsejħa miri “20-20-20”. Il-qafas ta’ politika tal-2020 ma stabbilixxiex mira speċifika għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet għall-agrikoltura u s-settur LULUCF.

2.4.

Fit-22 ta’ Jannar 2014 il-Kummissjoni Ewropea ħarġet “Qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija fil-perjodu ta’ bejn l-2020 u l-2030” (2). Il-miri l-ġodda, appoġġjati mill-Kunsill Ewropew fil-konklużjonijiet tiegħu ta’ Ottubru, jinkludu: tnaqqis ta’ 40 % fl-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra meta mqabbel mal-livelli tal-1990, sehem minimu ta’ 27 % tal-konsum ta’ enerġija rinnovabbli u titjib fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija b’27 %.

2.5.

Fil-qafas tal-2030 il-Kummissjoni ssuġġeriet: “Biex jiġi żgurat li s-setturi kollha jikkontribwixxu b’mod kosteffettiv għall-isforzi ta’ mitigazzjoni, l-agrikoltura, l-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija għandhom jiġu inklużi fil-mira tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra għall-2030.”

2.6.

Barra minn hekk, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kummissjoni teżamina l-aħjar mezzi li jippromwovu l-intensifikazzjoni sostenibbli tal-produzzjoni tal-ikel, filwaqt li jitjieb kemm jista’ jkun il-kontribut tas-settur għall-mitigazzjoni u s-sekwestru tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra, inkluż permezz tal-afforestazzjoni (3).

2.7.

Fl-aħħar tal-2015 għandu jiġi adottat ftehim globalment vinkolanti dwar il-ħarsien tal-klima waqt il-21 Konferenza tal-Partijiet (COP21) tal-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) f’Pariġi. Għandu jimpenja lill-pajjiżi biex inaqqsu l-emissjonijiet u jieħdu miżuri ta’ adattament.

2.8.

Barra minn hekk, l-azzjoni li ħadet il-Kummissjoni Ewropea l-ġdida fil-kuntest tal-programm dwar l-idoneità u l-prestazzjoni tar-regolamentazzjoni (REFIT) u r-reviżjoni ta’ politiki eżistenti, li l-KESE ġeneralment jappoġġja, tista’ tkun opportunità tajba biex jiġu riżolti l-kontradizzjonijiet u tiġi żgurata l-konsistenza tal-politiki ambjentali (ilma, arja u ħamrija), u dawk tal-agrikoltura u tal-foresterija tal-UE, b’mod partikolari għas-setturi tal-agrikoltura u tal-foresterija. Huwa importanti ħafna wkoll li jiġi rrispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif ukoll koerenza bejn l-istituzzjonijiet nazzjonali individwali u l-awtoritajiet reġjonali (koerenza bejn linji politiċi nazzjonali u reġjonali).

2.9.

Stati Membri differenti għandhom sitwazzjonijiet, kundizzjonijiet u strateġiji differenti fir-rigward tal-forestrija u tal-agrikoltura. Meta jitqiesu dawn id-differenzi, ikun diffiċli li tinstab soluzzjoni waħda għal kulħadd. Madankollu, ir-rwol tal-UE għandu jkun li tippromwovi u xxerred l-aħjar prattiki fil-forestrija u l-agrikoltura fost l-Istati Membri, kif ukoll li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċità ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, il-komunitajiet lokali, is-sidien tal-art, l-industriji rilevanti u r-riċerkaturi.

3.   Impatti

3.1.

F’reġjuni differenti tal-UE, it-tibdil fil-klima qed iħalli impatt fuq is-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija b’modi multipli, b’konsegwenzi kemm negattivi kif ukoll pożittivi. Għalkemm hemm inċertezza fir-rigward tad-daqs ta’ dawn l-impatti fil-futur, diġà qed iseħħu għadda ta’ bidliet sinifikanti, inklużi: bidliet fit-tendenzi ta’ preċipitazzjoni annwali u staġjonali, avvenimenti estermi, bidliet fid-disponibilità tar-riżorsi tal-ilma, organiżmi li jagħmlu ħsara, mard u bidliet fil-ħamrija. Dawn il-bidliet min-naħa tagħhom jaffettwaw il-volum u l-kwalità tal-produzzjoni u l-istabbiltà tal-produzzjoni tal-ikel, u jolqtu kemm is-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija kif ukoll il-konsumaturi. Dawn iwasslu wkoll għal riskji akbar għaż-żoni rurali, bħal riskju ikbar ta’ għargħar u ta’ ħsara għall-infrastruttura.

3.2.

Waqt li jiġi vvalutat kif emissjonijiet mill-agrikoltura u l-LULUCF għandhom ikunu integrati fil-qafas tal-2030, huwa importanti li jiġi nnutat ir-rwol tal-agrikoltura u l-forestrija f’termini tal-ħażna kbira tagħhom ta’ karbonju fil-ħamrija, kif ukoll il-kontribut ewlieni għat-tnaqqis tad-dipendenza tal-UE mill-importazzjonijiet tal-enerġija billi jipprovdu l-bijoenerġija. L-agrikoltura tikkontribwixxi madwar 10 % tal-emissjonijiet totali ta’ gassijiet b’effett ta’ serra fl-UE 28 u 18 % tal-emissjonijiet fis-settur li ma jagħmilx parti mill-ETS regolat mid-Deċiżjoni dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi. Madankollu, għandu jkun rikonoxxut li mill-1990 l-agrikoltura tal-UE kisbet tnaqqis ta’ CO2 ekwivalenti għal madwar 18 % meta mqabbel mat-tnaqqis globali ta’ 17 % fl-UE fl-istess perjodu. Fl-istess ħin, il-produzzjoni agrikola żdiedet.

3.3.

L-għanijiet tal-klima jimplikaw li hemm bżonn ta’ forom ta’ agrikoltura li huma effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u fis-CO2. Meta jiġu ddeterminati l-miri kosteffiċjenti għas-settur, għandu jiġi kkunsidrat l-ekwivalenti ta’ CO2 għal kull unità prodotta. Barra minn hekk, jeħtieġ li jitqies il-kuntest globali sabiex tiġi evitata r-rilokazzjoni tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni intensiva fl-enerġija u fl-emissjonijiet lejn partijiet oħra tad-dinja, li jista’ anke jwassal għal żieda tal-emissjonijiet totali filwaqt li titnaqqas il-kompetittività tas-setturi Ewropej tal-agrikoltura u l-forestrija.

3.4.

Is-settur agrikolu u tal-foresterija tal-UE huwa dipendenti ħafna mill-karburanti fossili, prinċipalment minħabba l-użu ta’ fertilizzanti u karburanti fossili għall-makkinarju. Politiki tal-UE futuri, flimkien ma’ programmi ta’ riċerka u innovazzjoni speċifiċi kkombinati ma’ inċentivi finanzjarji lill-bdiewa u lis-sidien tal-foresti, għandhom:

jippromovu tranżizzjoni gradwali lejn mudelli agrikoli ħielsa mill-karburanti fossili,

jiffokaw fuq it-titjib tal-effiċjenza tas-sistemi ta’ produzzjoni kollha, u

jappoġġjaw użu aktar effiċjenti tar-riżorsi, inklużi l-art, l-ilma u n-nutrijenti.

Barra minn hekk, għandu jiġi promoss mudell sostenibbli magħluq tal-agrikoltura u tal-forestrija sabiex tingħata spinta lill-kompetittività ta’ dawn is-setturi globalment.

3.5.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-miżuri ambjentali introdotti permezz tar-riforma riċenti tal-PAK, madankollu jenfasizza d-differenzi fil-kundizzjonijiet klimattiċi, it-tipi ta’ rziezet u speċifiċitajiet oħra, inkluż in-nuqqas ta’ għarfien fl-Istati Membri tal-UE. Meta jitfasslu miżuri futuri, għandha tiġi assigurata l-flessibbiltà għall-bdiewa. Il-protezzjoni tal-ambjent, il-produzzjoni agrikola u l-proċessi ta’ ġestjoni tal-foresti għandhom ikunu integrati b’mod li jsaħħaħ b’mod sostenibbli l-kapaċità tal-produzzjoni u jikkontribwixxi lejn l-effiċjenza, il-produttività u l-innovazzjoni.

3.6.

Skont l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO), iż-żieda fid-domanda globali għall-ikel se tilħaq sa 70 % sal-2050 u ħafna minnha se tkun għal livell għoli ta’ proteini minn prodotti minn annimali. Is-settur tal-biedja tal-UE qed jiffoka ħafna fuq żieda fl-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi fl-irziezet, u b’hekk jitnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom għal kull unità prodotta bl-adozzjoni ta’ prattiki sostenibbli. Tali prattiki jenħtieġ li jinkorporaw standard għoli ta’ benessri tal-annimali, u l-UE għandha wkoll tagħmel pressjoni biex dan ikun rikonoxxut internazzjonalment. Madankollu, il-KESE jirrikonoxxi li anke jekk isiru sforzi u investimenti kbar lejn it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan mill-produzzjoni tal-bhejjem, iż-żieda fin-numru ta’ annimali xorta tista’ potenzjalment iżżid l-emissjonijiet netti.

3.7.

Minħabba l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq is-settur agrikolu u dak tal-forestrija, żoni għall-produzzjoni tal-uċuħ tar-raba’ tradizzjonali qed jinbidlu wkoll. Il-KESE jinnota li huwa meħtieġ ammont sinifikanti ta’ riċerka u żvilupp sabiex jiġu żviluppati l-aqwa tekniki, kif ukoll dawk l-iktar produttivi, kosteffikaċi u sostenibbli, u varjetajiet ta’ pjanti (kultivari), filwaqt li jitqiesu t-tibdil fil-klima u kondizzjonijiet lokali u reġjonali speċifiċi għall-agrikoltura u l-forestrija fl-Ewropa. Dan jista’ jinkiseb permezz ta’ tekniki ta’ tnissil u għażla tradizzjonali, u għandha tingħata prijorità għal varjetajiet ta’ pjanti lokali. Il-produttività tal-ħamrija u l-intensifikazzjoni sostenibbli huma kruċjali għall-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi.

4.   Opportunitajiet

4.1.

Filwaqt li tingħata l-attenzjoni dovuta għall-ħtieġa li jiġu indirizzati l-isfidi attwali u dawk futuri, il-KESE jitlob li jinstabu soluzzjonijiet intelliġenti għall-isfidi li diġà qed jinħolqu minħabba t-tibdil fil-klima, iżda jirrikonoxxi wkoll li l-għanijiet ta’ politika ambizzjużi dwar il-klima u l-enerġija għal wara l-2020 jirrappreżentaw opportunità fis-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija tal-UE, li għandhom rwol sinifikanti fi ħdan il-qafas tal-politika. Il-KESE jirrikonoxxi li l-isforz għandu jkun wieħed komuni u attiv bejn is-soċjetà ċivili, u l-livelli lokali, reġjonali, tal-Istati Membri u tal-UE.

4.2.

Il-miżuri li se jiġu implimentati fis-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija jeħtieġu li jkollhom impatt pożittiv fit-tul fuq l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u l-assorbimenti tas-CO2, mill-perspettiva tal-użu tal-art, billi ħafna mill-miżuri ta’ tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta’ serra fil-qasam tal-forestrija jistgħu jżidu l-emissjonijiet fuq medda qasira ta’ żmien, iżda għandhom impatt pożittiv ħafna iżjed sinifikanti fuq medda twila ta’ żmien. L-enfasi fuq il-miri tal-2020 u tal-2030 tirrapreżenta perjodu wisq qasir għal sistemi bijoloġiċi.

4.3.

Il-KESE jinnota li l-agrikoltura fl-Ewropa taqdi rwol kruċjali, speċjalment għall-biedja tal-familji, is-sigurtà tal-ikel, l-impjieg rurali, l-inklużjoni soċjali u l-iżvilupp sostenibbli f’żoni rurali. Sabiex tiġi salvagwardjata, deċiżjonijiet rigward l-iżvilupp ulterjuri tas-settur li jinvolvu t-tnaqqis fil-gassijiet b’effett ta’ serra għandhom jiġu evalwati bir-reqqa, b’mod komprensiv u b’kunsiderazzjoni xierqa ta’ kwistjonijiet nazzjonali.

4.4.

Il-foresti għandhom rwol ewlieni x’jaqdu fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Il-karattru multifunzjonali tagħhom li jservi skopijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali jeħtieġ li jiġi rikonoxxut. Il-KESE jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jiżviluppaw Strateġiji tal-Foresti Attivi u jaġġornaw il-programmi nazzjonali eżistenti tal-foresti filwaqt li jiġu kkunsidrati l-prinċipji u l-għanijiet tal-Istrateġija tal-UE għall-Foresti.

4.5.

Attwalment, fil-livell reġjonali, ir-riżorsi tal-foresti disponibbli fl-Ewropa jaqbżu l-użu potenzjali tagħhom. Madankollu, hemm domanda dejjem tikber għall-bijomassa fl-UE. Jeħtieġ li tiġi promossa afforestazzjoni ulterjuri sabiex tiġi żgurata provvista lokali suffiċjenti għall-ħtiġijiet ta’ enerġija, għall-industriji b’bażi tal-injam u l-bijoekonomija inġenerali. Dan għandu jinkoraġġixxi wkoll l-użu ta’ residwi u skart, bħal fergħat, fdalijiet ta’ injam, u zkuk ta’ valur baxx. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat użu iktar effiċjenti tal-bijomassa, waqt li tingħata prijorità lill-produzzjoni ta’ prodotti ta’ valur għoli u l-iżgurar ta’ kondizzjonijiet għall-użu ta’ dawn il-prodotti fil-produzzjoni tal-enerġija fi tmiem il-ħajja tagħhom.

4.6.

Miżuri ta’ afforestazzjoni, fejn adatti, għandhom impatt pożittiv ħafna, mhux biss fuq it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra, iżda wkoll fuq it-tisħiħ tal-bijodiversità u t-tnaqqis tal-iskarsezza tal-ilma. Dan il-mod ta’ żvilupp għandu jiġi kkunsidrat ukoll f’reġjuni bi problemi ta’ skarsezza tal-ilma bħala mod sostenibbli kif tiġi indirizzata l-kwistjoni kemm ekonomikament kif ukoll soċjalment. Jistgħu jinkisbu benefiċċji soċjali addizzjonali minn foresti urbani u siġar barra l-foresti, bħal fuq il-ġnub tal-awtostradi.

4.7.

L-iżvilupp tal-bijomassa prodotta b’mod sostenibbli għandu jsir fi ħdan qafas ta’ politika definit b’mod ċar li jirrispetta l-limiti fuq il-produzzjoni u fuq l-użu, kif ukoll l-aspetti soċjali u l-bijodiversità. It-tmexxija tal-UE hija meħtieġa f’dan il-qasam sabiex tiġi żgurata aktar evoluzzjoni tal-bijoekonomija b’tali mod li twassal għal benefiċċji soċjali, ekonomiċi u ambjentali.

4.8.

Il-foresti u l-prodotti tal-injam jistgħu jaħżnu iżjed CO2. Kemm il-ġestjoni attiva tal-foresti kif ukoll l-użu akbar ta’ prodotti tal-injam jistgħu jżidu t-tneħħija u l-ħżin tas-CO2. L-effetti ta’ sostituzzjoni addizzjonali jistgħu jkunu mistennija meta prodotti tal-injam jissostitwixxu prodotti jew materjali konvenzjonali.

4.9.

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal ġestjoni sostenibbli u attiva tal-foresti msejsa fuq l-użu effiċjenti ta’ prodotti tal-foresti, kif ukoll għar-riġenerazzjoni tal-foresti skont miri ta’ produttività u sostenibbiltà. Barra minn hekk, għandhom jiġu kkunsidrati miżuri effettivi, immirati u msejsa fuq ix-xjenza, bħal sistemi ta’ drenaġġ, il-qtugħ riġenerattiv, il-qtugħ biex titnaqqas id-densità tas-siġar, it-tferrix ta’ rmied u fertilizzazzjoni fuq ħamrija degradata, billi dawn iżidu r-rendimenti tal-foresti u l-potenzjal tat-tneħħija tas-CO2.

4.10.

Hemm żoni konsiderevoli ta’ foresti produttivi fejn l-użu tal-bijomassa u iktar żidiet fit-tneħħija potenzjali ta’ CO2 huma limitati mill-aċċessibbiltà ta’ dawn l-artijiet b’mod ekonomiku. Jenħtieġ l-investiment għall-iżvilupp tal-infrastruttura u t-teknoloġiji tal-foresti sabiex dawn ir-riżorsi jsiru aċċessibbli. Dan jista’ jsir permezz ta’ fondi tal-UE li jappoġġjaw l-għanijiet ta’ koeżjoni.

4.11.

Fil-maġġoranza tal-Istati Membri hemm żoni kbar ħafna ta’ art li attwalment mhux qed jintużaw, bħal żoni li kienu jintużaw għall-mergħat u mhumiex adattati għall-produzzjoni taċ-ċereali jew ta’ uċuħ simili, kif ukoll żoni ta’ uċuh tar-raba’, li jintużaw b’mod estensiv minħabba d-deterjorazzjoni tal-infrastruttura u n-nuqqas ta’ investiment għal sistemi ta’ drenaġġ, u limiti ambjentali oħra. Dawn l-artijiet, jekk jiġu appoġġjati mir-riċerka u l-innovazzjoni, jistgħu jiġu rritornati għall-produzzjoni ta’ agrikoltura tradizzjonali, uċuħ tar-raba’ għall-bijoenerġija jew l-afforestazzjoni.

4.12.

L-użu ta’ bijomassa prodotta b’mod sostenibbli għall-enerġija huwa kontributur importanti għall-għanijiet ta’ indipendenza enerġetika fi ħdan il-politika tal-enerġija ġenerali tal-UE. Se jkollu wkoll impatt pożittiv ħafna fuq il-bilanċ kummerċjali ġenerali, minħabba li dan ifisser li l-bijomassa lokali tkun tista’ tintuża minflok ma jiiħallsu pajjiżi terzi għal karburanti fossili impurtati.

4.13.

Il-KESE jappella għal aktar appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni fis-settur tal-forestrija sabiex jiġu identifikati u pprovduti tekniki u metodi ta’ ġestjoni sostenibbli tal-foresti, filwaqt li jitqiesu l-isfidi li jirriżultaw mit-tibdil fil-klima, id-differenzi ambjentali bejn ir-reġjuni Ewropej u pressjonijiet ekonomiċi li qed jaffaċċja s-settur huwa u jipprova jżomm jew iżid il-kompetittività tiegħu.

4.14.

Il-proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni fil-bijoenerġija għandhom jikkontribwixxu sabiex jiġi żgurat li l-katina sħiħa ta’ produzzjoni hija kosteffikaċi, sostenibbli u ekonomikament vijabbli mingħajr il-ħtieġa ta’ dipendenza fuq kwalunkwe sussidji nazzjonali jew Ewropej għall-bijoenerġija fil-futur. Sabiex jipprovdu kundizzjonijiet indaqs, għandhom jitneħħew gradwalment kwalunkwe sussidji jew appoġġ mhux finanzjarju ieħor għall-enerġija fossili.

4.15.

Il-KESE jilqa’ l-approċċ transsettorjali li ttieħed mill-Kummissjoni fl-appoġġ tal-bijoekonomija inġenerali u jappella għal aktar kooperazzjoni fost id-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni għall-promozzjoni ta’ bijomassa prodotta b’mod sostenibbli.

4.16.

Il-KESE jenfasizza li l-użu ta’ teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) u programmi eżistenti tal-Kummissjoni, bħal Galileo, għas-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija, qed jgħinu biex jittejbu t-tekniki ta’ produzzjoni sostenibbli għall-materja prima fl-UE. Il-KESE jappella għal aktar riċerka u żvilupp f’dan il-qasam.

4.17.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha rwol x’taqdi fil-promozzjoni u t-tħeġġiġ ta’ approċċ koerenti bejn l-awtoritajiet responsabbli fl-Istati Membri sabiex ikunu jistgħu jimplimentaw b’suċċess programmi fil-livell nazzjonali.

4.18.

Il-KESE huwa konxju li aktar minn EUR 220 miljun kienu disponibbli biex jiġu ffinanzjati proġetti fl-agrikoltura u l-forestrija sostenibbli fl-ambitu tas-Seba’ Programm Kwadru għar-riċerka. Huwa jappella biex il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-Orizzont 2020 ikun dejjem iktar ambizzjuż. Il-KESE jenfasizza l-fatt li s-suċċess aħħari tar-riċerka se jiddependi mit-tixrid effettiv tar-riżulati ta’ proġetti ta’ riċerka lill-utenti finali fis-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija.

4.19.

Il-KESE jenfasizza li l-aktar użu sostenibbli tal-bijomassa huwa fil-livell lokali. Madankollu, jagħraf li s-suq attwali tal-bijoenerġija huwa internazzjonali. Is-sitwazzjoni speċifika ta’ pajjiżi bi provvista żejda ta’ bijomassa għandha tiġi rikonoxxuta billi l-produzzjoni tal-bijomassa twassal għal emissjonijiet mis-setturi LULUCF f’pajjiżi li jesportaw u għal tnaqqis ta’ emissjonijiet fis-settur tal-enerġija fil-pajjiżi li jimportaw. Meta tittieħed deċiżjoni dwar il-miri tal-emissjonijiet mil-LULUCF tal-UE, huma meħtieġa strumenti speċifiċi ta’ kumpens għall-pajjiżi esportaturi.

5.   Aspetti soċjali

5.1.

L-iżvilupp ta’ żoni rurali fl-Unjoni Ewropea huwa dipendenti b’mod qawwi fuq il-vijabbiltà tas-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija. Il-KESE jenfasizza li l-użu akbar tal-bijomassa sostenibbli u l-agrikoltura intensifikata b’mod sostenibbli, speċjalment it-trobbija tal-annimali, għandu jkollhom impatt pożittiv ħafna u ewlieni fuq il-komunitajiet rurali f’termini tal-ħolqien ta’ impjiegi ġodda u l-ġenerazzjoni ta’ dħul.

5.2.

Il-KESE jenfasizza li l-ipproċessar ulterjuri ta’ materja prima tal-bijomassa jew prodotti agrikoli sabiex jinħolqu prodotti ta’ valur għoli għandu wkoll jiġi promoss lokalment, billi dan għandu impatt sekondarju pożittiv ħafna fuq l-impjiegi u l-ġenerazzjoni ta’ dħul f’żoni rurali. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-ħidma tal-Kummissjoni s’issa dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni bil-għan li jinstabu modi ġodda biex jinkiseb valur aħjar minn prodotti tal-bijomassa u agrikoli. Il-KESE jitlob għal programm ta’ investiment saħansitra aktar ambizzjuż sabiex tkun assigurata t-tmexxija tal-UE f’dan il-qasam fuq livell dinji.

5.3.

Il-KESE jinnota li l-ġenerazzjoni tal-enerġija mix-xemx u mir-riħ toffri opportunitajiet ġodda u sostenibbli għal żoni rurali. L-ispejjeż ta’ dawn l-iskemi qed ikomplu jonqsu u l-effiċjenza tagħhom qed tiżdied, iżda sabiex jiġu promossi dawn il-mezzi ta’ produzzjoni ta’ enerġija f’zoni rurali, il-bdiewa u l-komunitajiet rurali għandhom jiġu inċentivati. Skemi deċentralizzati jippermettu lill-individwi u lill-komunitajiet jaqsmu l-ispejjeż u l-benefiċċji tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u jidentifikaw opportunitajiet għal tlaqqigħ aħjar tal-provvista u d-domanda.

5.4.

Dħul supplimentari mill-agrikoltura intensifikata b’mod sostenibbli, l-ipproċessar ulterjuri ta’ materja prima, il-produzzjoni tal-bijomassa u aktar ipproċessar, kif ukoll il-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli, jistgħu jipprovdu dħul għoli addizzjonali u stabbli għall-bdiewa, is-sidien tal-foresti u l-komunitajiet rurali. Se jinkoraġġixxi wkoll – u jista’ jkun is-sors ta’ – aktar investiment pubbliku jew privat fl-infrastruttura f’żoni rurali.

5.5.

Il-KESE jenfasizza li żvilupp ulterjuri tal-bijoekonomija ġeneralment jista’ jipprovdi opportunitajiet ta’ impjieg ta’ kwalità għolja u b’hekk jinċentiva lin-nies biex jibqgħu jew jiċċaqalqu, għal żoni rurali, biex b’hekk tiġi ttratta l-problema ta’ depopolazzjoni ta’ dawn iż-żoni, li hija sfida ewlenija fl-UE.

5.6.

Il-koeżjoni territorjali u soċjali għandha tkun l-objettiv ewlieni għall-politiki kollha tal-UE, u l-miżuri kollha, inklużi dawk li jirriżultaw mill-qafas ta’ politika tal-enerġija u tal-klima tal-UE, għandhom jgħinu biex tagħmel dan.

5.7.

Il-bijodiversità x’aktarx li tiġi affettwata b’mod qawwi mill-impatti diretti u indiretti tat-tibdil fil-klima. Madankollu, il-bijodiversità għandha wkoll rwol importanti fl-adattament għat-tibdil fil-klima u t-tnaqqis tal-impatti tiegħu. Il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ żoni naturali u parks naturali protetti fit-tisħiħ tal-bijodiversità, u jenfasizza r-rwol ta’ strumenti ta’ protezzjoni ambjentali eżistenti, bħal LIFE u Natura 2000. Dawn l-oqsma għandhom rwol importanti għas-setturi tal-agrikoltura u l-foresterija, u għandhom benefiċċji soċjali sinifikanti.

5.8.

Il-KESE jinnota li ħafna sidien tal-foresti fl-Ewropa ma jimmaniġġjawx il-foresti tagħhom sew minħabba nuqqas ta’ għarfien jew riżorsi, u jenfasizza li l-kooperazzjoni tista’ tippermetti li jkun hemm ġestjoni aktar effiċjenti u aħjar ta’ din l-art.

5.9.

L-edukazzjoni u appoġġ tekniku għal-bdiewa u s-sidien tal-foresti għandhom ikunu prijorità kemm għall-UE kif ukoll għall-istituzzjonijiet nazzjonali. L-innovazzjoni, il-biedja sostenibbli u mudelli tal-forestrija li jirriżultaw minn proġetti ta’ riċerka u żvilupp ffinanzjati mill-UE għal għandhom jiġu promossi b’mod mifrux minn ċentri ta’ għarfien nazzjonali u minn korpi konsultattivi.

5.10.

Għodod ta’ implimentazzjoni sempliċi għandhom ikunu stabbiliti għall-kejl tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra fis-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija. Għandhom ikunu msejsa fuq suppożizzjonijiet ibbażati fuq l-għarfien u fuq ix-xjenza. Ir-rekwiżiti tal-qafas ta’ politika tal-UE dwar l-enerġija u l-klima għall-2030 m’għandhomx iwasslu għal regolamentazzjoni eċċessiva tas-settur agrikolu u tal-forestrija jew għal piżijiet żejda fuq il-bdiewa jew fuq is-sidien ta’ foresti, u għandhom jirrispettaw il-prinċipju li l-bdiewa u s-sidien tal-foresti jkollhom l-impjieg tagħhom ta’ kuljum u riżorsi limitati għal amministrazzjoni.

Brussell, it-22 ta’ April 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Direttivi 2009/28/KE, 2009/29/KE, 2009/31/KE u d-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE.

(2)  COM(2014) 15 final.

(3)  EUCO 169/14, punt 2.14, p. 5.


4.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 291/8


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-iżvilupp tas-sistema ta’ governanza proposta fil-kuntest tal-qafas dwar il-klima u l-enerġija għall-2030”

(Opinjoni esploratorja mitluba mill-Kummissjoni Ewropea)

(2015/C 291/02)

Relatur:

Richard ADAMS

Korelatur:

Ulla SIRKEINEN

Nhar is-16 ta’ Jannar 2015, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

L-iżvilupp tas-sistema ta’ governanza proposta fil-kuntest tal-qafas dwar il-klima u l-enerġija għall-2030

(Opinjoni esploratorja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ April 2015.

Matul il-507 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-22 u t-23 ta’ April 2015 (seduta tat-23 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’152 vot favur, 6 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Qafas tal-UE għall-klima u l-enerġija huwa bbażat fuq leġislazzjoni preċedenti sustanzjali, xi ftit minnha mhux trasposta għal kollox u implimentata b’mod ineffettiv. It-twettiq tal-Unjoni tal-Enerġija ser jeħtieġ aktar leġislazzjoni u, b’mod partikolari, l-implimentazzjoni rigoruża tagħha. Qafas ta’ governanza robust huwa vitali. Il-leġislazzjoni hija biss il-bidu – il-governanza hija l-mezz biex jinkiseb suċċess. L-implimentazzjoni tal-politika teħtieġ impenn, involviment, u rieda tajba mill-partijiet interessati kollha. L-aktar tip effikaċi ta’ governanza huwa fejn il-metodi ta’ qbil għad-determinazzjoni u l-implimentazzjoni tal-objettiv ikunu meqjusa bħala intrapriża konġunta li tinvolvi l-partijiet interessati kollha. Il-KESE, għaldaqstant, jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:

Djalogu strutturat bejn il-partijiet interessati kollha għandu jkun marbut mal-proċess ta’ governanza jekk għandhom jitnaqqsu l-imblokki soċjetali għall-miżuri regolatorji u ta’ politika, u jekk għandhom jiġu appoġġjati tibdiliet ta’ imġiba u attitudnijiet miċ-ċittadini.

Għandha tiġi elaborata u żviluppata tmexxija politika ċara għat-twaqqif u l-parteċipazzjoni fi djalogu komprensiv bejn il-partijiet interessati konċernati, u impenn dwar kwistjonijiet ta’ tranżizzjoni tal-enerġija (pereżempju il-klima, il-ġustizzja soċjali u s-sigurtà) mill-istituzzjonijiet leġislattivi tal-UE, bħala proċess li jaqbel mal-Unjoni tal-Enerġija u l-isforzi tal-Ewropa fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u jappoġġjahom.

Jitħeġġeġ djalogu mal-imsieħba soċjali biex tiġi żgurata transizzjoni tal-enerġija li torbot id-dimensjoni ambjentali mat-tħassib soċjali.

Primarjament dan għandu jieħu l-forma ta’ Djalogu Ewropew dwar l-Enerġija indipendenti u affidabbli li jippermetti rappreżentazzjoni bilanċjata tal-partijiet interessati kollha biex jiskambjaw l-informazzjoni, jesprimu fehmiet u jinfluwenzaw it-tfassil tal-politika dwar kwistjonijiet tal-enerġija u b’hekk jimpenjaw ruħhom b’mod attiv fit-tranżizzjoni tal-enerġija.

B’mod speċifiku, aħna nħeġġu lill-Kunsill Ewropew u l-Parlament fil-konsiderazzjoni tagħhom tal-Pakkett dwar l-Unjoni tal-Enerġija biex jadottaw, bħala punti ta’ azzjoni, il-miżuri stabbiliti fis-sitt taqsima ta’ din l-Opinjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ Djalogu Ewropew dwar l-Enerġija sabiex jiġi appoġġjat il-proċess ta’ governanza.

Dan id-djalogu għandu jseħħ fi ħdan struttura speċifika li tippermetti li l-partijiet interessati kollha jipparteċipaw.

2.   Introduzzjoni

2.1.

L-iżvilupp ta’ Unjoni tal-Enerġija fl-UE u l-importanza ta’ taħditiet dwar Ftehim dwar il-Klima f’Pariġi fi tmiem l-2015 jitolbu mekkaniżmi effettivi ta’ governanza dwar it-tranżizzjoni tal-enerġija. Wara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Qafas dwar il-Klima u l-Enerġija għall-2030, il-Kunsill Ewropew approvaha u qabel ukoll dwar l-iżvilupp ta’ sistema ta’ governanza trasparenti u affidabbli biex tgħin tiżgura li l-UE tilħaq l-għanijiet tal-politika tagħha tal-enerġija. Il-Qafas għall-2030 ippropona qafas ġdid ta’ governanza bbażat fuq il-pjani nazzjonali għal enerġija sikura, sostenibbli u kompetittiva kif ukoll ġabra ta’ indikaturi ewlenin biex jiġi evalwat il-progress maż-żmien. Qafas bħal dan għandu jippermetti l-kisba tal-miri għall-2030 u jiffaċilita koerenza fil-livell tal-UE, filwaqt li joffri flessibbiltà fil-livell nazzjonali. Proċess ta’ governanza b’saħħtu għandu jipprovdi wkoll mudell u eżempju inkoraġġanti fil-kuntest tan-negozjati globali dwar il-klima.

2.2.

Il-ħtieġa għal governanza effettiva ma tistax tiġi enfasizzata żżejjed. Jekk ma jintlaħqux l-iskadenzi tat-tielet pakkett tal-enerġija, imfassla biex jikkompletaw suq uniku tal-enerġija b’saħħtu fl-UE, dan jista’ jkun fil-biċċa l-kbira tiegħu attribwit għal dgħufijiet fil-governanza. L-interessi nazzjonali kienu prevalenti meta ma kinux allinjati ma’ talbiet li ser isaħħu l-UE kollha kemm hi. Proċess ta’ governanza ġdid għandu jegħleb dan.

2.3.

Inizjalment għandhom jiġu definiti l-objettivi nazzjonali u jiġi ssuġġerit proċess iterattiv, kemm għall-iżvilupp intern ta’ dawn il-pjani kif ukoll għall-koordinazzjoni f’qafas koerenti tal-UE li jilħaq il-miri tal-UE li ntlaħaq qbil dwarhom. Huma previsti tliet passi:

1.

Il-Kummissjoni ser tiżviluppa linji gwida dwar il-governanza u l-pjani nazzjonali.

2.

L-Istati Membri ser jippreżentaw il-Pjani Nazzjonali tagħhom abbażi ta’ proċess iterattiv mal-Kummissjoni u f’konsultazzjoni mal-pajjiżi ġirien.

3.

Dan ser jiġi segwit minn evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-adegwatezza tal-pjani nazzjonali biex iwettqu l-miri bl-implikazzjoni ta’ aġġustamenti negozjati permezz ta’ proċess kontinwu sakemm dan jinkiseb. Il-possibbiltà ta’ struttura ta’ governanza leġislata ser tkun miżmuma bħala riżerva jekk l-approċċ volontarju ma jaħdimx.

2.4.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha esperjenza estensiva tat-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ strutturi ta’ governanza, esperjenza li qed tapplika għal dan is-sett ta’ kwistjonijiet ta’ politika. Din l-opinjoni tappoġġja l-approċċ stabbilit hawn fuq iżda jeħtieġ li dan jiġi segwit b’mod rigoruż u b’konvinzjoni, b’perjodi qosra ta’ żmien għall-proċess iterattiv u analiżi inċiżiva u kuraġġuża fit-tfassil ta’ rapporti annwali. Kif imsemmi fl-Opinjoni tiegħu dwar “Qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija fil-perijodu ta’ bejn l-2020 u l-2030” (1), il-KESE jenfasizza t-talba tiegħu lill-Istati Membri biex jirreaġixxu b’mod pożittiv għal proċedura effettiva u b’saħħitha ta’ governanza u biex, flimkien mal-Kummissjoni u s-soċjetà ċivili, jiddeterminaw kif tista’ tiġi implimentata b’mod sħiħ.

2.5.

Il-KESE jemmen li dan il-qafas għandu jkun permess u msaħħaħ billi jiġi ġġenerat u kkontrollat appoġġ wiesa’ minn partijiet interessati inklużi l-imsieħba soċjali – min iħaddem u trejdjunjins – permezz ta’ Djalogu Ewropew dwar l-Enerġija strutturat.

3.   In-natura tal-proċess ta’ governanza

3.1.

Il-proċess ta’ governanza għandu jkun konsistenti mal-qafas legali li fih jopera. Il-qafas legali jistipula l-objettivi u l-metodi sabiex jintlaħqu l-miri u għandu jwassal għal ċertezza ta’ politika fit-tul u kontinwità, b’mod partikolari għall-investimenti, it-taħriġ u l-impjiegi. Dan għandu jipprovdi wkoll indikaturi korrispondenti rilevanti. Il-proċess ta’ governanza, li għandu jkun komprensiv u inklużiv tal-leġislazzjoni tal-enerġija relatata kollha, għandu jkun f’pożizzjoni li jsolvi kwistjonijiet li huma kemm kumplessi kif ukoll fejn jeżistu d-differenzi ta’ perspettiva u interessi konfliġġenti. Il-governanza għandha tappoġġja u tissupplimenta l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet filwaqt li toffri flessibbiltà biex tiġi ttrattata bidla rapida. Essenzjalment il-governanza għandha tkunu kapaċi wkoll tirrispondi għall-perċezzjonijiet soċjetali, it-teknoloġija, il-ġeopolitika u s-suq.

3.2.

Is-sistema ta’ governanza għandha tippermetti wkoll espressjoni kontinwa ta’ opinjonijiet, preferenzi, perċezzjonijiet u valuri bbilanċjati u rappreżentattivi, u mod li bih dawn kontinwament jinfurmaw id-deċiżjonijiet u l-perfezzjonament tal-politika. Il-governanza għandha tiffaċilita l-adattabilità, mhux permezz ta’ bidliet frekwenti ta’ proċedura, iżda permezz ta’ antiċipazzjoni ta’ oqsma ta’ differenzi u l-ħolqien ta’ dinamika konsistenti u inklużiva.

3.3.

Dawn huma rekwiżiti impenjattivi u jeħtieġ li jiġi indirizzat ix-xettiċiżmu li qed jiżdied dwar il-kapaċità tal-UE li trendi tranżizzjoni tal-enerġija ekwitabbli u effettiva. Għaldaqstant, il-proċess ta’ governanza nnifsu jeħtieġ qafas ċar, aċċettat mill-parteċipanti. Madankollu, il-KESE huwa tal-fehma li proċess ta’ governanza konvenzjonali mhux se jkun kapaċi jwassal l-għanijiet imsemmija hawn fuq mingħajr l-involviment u l-appoġġ tas-soċjetà ċivili madwar l-Ewropa. Dan huwa rikonoxxut fil-viżjoni għall-Unjoni tal-Enerġija: “L-aktar importanti, il-viżjoni tagħna hija waħda ta’ Unjoni tal-Enerġija biċ-ċittadini fil-qofol tagħha, fejn iċ-ċittadini jieħdu s-sjieda tat-tranżizzjoni tal-enerġija”  (2). Għalhekk l-iżvilupp ta’ mekkaniżmu ta’ twettiq affidabbli u trasparenti għall-għanijiet tal-enerġija u l-klima u l-Unjoni tal-Enerġija għandu jseħħ b’mod parallel ma’ proċess ibbażat fuq id-djalogu f’diversi livelli li jiffoka fuq l-infurmar u l-involviment tal-partijiet interessati kollha. Dan huwa vitali u, biex tkun ġusta, it-tranżizzjoni tal-enerġija għandha tieħu kunsiderazzjoni tat-tibdil fid-dinja tax-xogħol u tevita konsegwenzi soċjali negattivi.

3.4.

Fil-fehma tal-KESE, il-governanza ma tfissirx żieda fil-burokrazija iżda l-adozzjoni ta’ approċċ vigoruż ibbażat fuq il-prinċipji, li jiffoka fuq il-politika, u li jimmira lejn il-kisba tal-miri tal-UE li sar qbil dwarhom. Il-governanza għandha tkun mifruxa fil-livelli kollha u tibbenefika mill-integrazzjoni tal-għarfien speċjalizzat u ta’ kuljum. L-UE hija mibnija fuq il-valuri tal-paċi, id-demokrazija, id-dinjità tal-bniedem, il-pluraliżmu, it-tolleranza u s-solidarjetà. Dawn il-valuri, li jeħtieġ li jiġu tradotti fi prinċipji ta’ etika ċari, jipprovdu l-bażi għall-valutazzjoni tal-kwistjonijiet kritiċi fit-tranżizzjoni tal-enerġija u jistgħu jipprovdu bażi universali għal qbil. L-isfida hija biex dawn il-prinċipji jinbidlu fi proċess infurzabbli u effiċjenti li jqis l-aspettattivi tas-soċjetà.

3.5.

Il-KESE jemmen li l-valuri soċjetali bażiċi relatati mal-produzzjoni u l-użu tal-enerġija jeħtieġu aktar enfasi f’dan il-proċess ta’ governanza. Meta ċ-ċittadini jħossu li l-valuri u l-fehmiet tagħhom qed jiġu rikonoxxuti u diskussi f’forum li jinkorpora perspettiva kompletament Ewropea, dan ser iżid benefiċċju sinifikanti, jippermetti aktar koerenza politika u jiżviluppa fiduċja akbar filwaqt li jilqa’ kontra tibdil ta’ politika mhux previst. Id-djalogu għandu jidentifika dawk il-fatturi li fuqhom huma bbażati d-deċiżjonijiet meħuda minn pajjiż dwar it-tranżizzjoni tal-enerġija. Dawn ta’ spiss ikunu ġejjin mill-valuri ta’ dik is-soċjetà, pereżempju fir-rigward tal-ambjent, apparti l-kunsiderazzjonijiet tekniċi u ekonomiċi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, b’mod partikolari peress li l-fehmiet nazzjonali, reġjonali, lokali u personali dwar l-enerġija ser ivarjaw, appell għal perspettiva konsistenti, komuni jew Ewropea jista’ jilħaq lil hinn minn tendenza għal interess personali, lokali, fil-qosor jew dak nazzjonali.

3.6.

B’mod speċifiku, id-djalogu f’diversi livelli jinvolvi l-komunikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji lill-partijiet interessati kollha u jistabbilixxi qafas li fih dawn jistgħu jiġu diskussi u fejn jiġu solvuti l-kwistjonijiet, fejn ikun possibbli, fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u fil-livell ta’ pajjiżi ġirien. Dan mhuwiex proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni, għalkemm dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet għandhom jisimgħu u jkunu miftuħa għall-kontribuzzjonijiet, u l-parteċipanti għandhom jifhmuh dan.

4.   Id-djalogu f’diversi livelli bħala element essenzjali ta’ governanza

4.1.

Il-politiki tal-enerġija nazzjonali u tal-UE għandhom impatt dirett u sinifikanti fuq il-ħajja taċ-ċittadini. Madankollu, il-kontenut u l-ġustifikazzjoni ta’ dawn il-politiki spiss ma jkunux ċari għall-pubbliku ġenerali u jistgħu jinftiehmu ħażin mis-soċjetà ċivili. Dan iwassal għal appoġġ pubbliku ġeneralment dgħajjef jew kunċetti żbaljati li jinvolvu aspetti essenzjali tal-iżvilupp futur tal-UE. Isegwu konsegwenzi negattivi, u hemm ħafna każijiet fejn is-soċjetà ċivili ma tingħatax l-informazzjoni u ma tkunx involuta fil-politika tal-enerġija la f’dik nazzjonali u lanqas tal-UE u dan iwassal għal nuqqas ġenerali ta’ fiduċja u għal politiki li mhux dejjem jilħqu r-riżultati mixtieqa.

4.2.

Sabiex jiġi żgurat li dan ikun proċess inklużiv, iċ-ċittadini, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet nazzjonali u lokali u t-tipi kollha ta’ organizzazzjonijiet tal-enerġija jeħtieġ li jieħdu sehem, permezz ta’ djalogu, fl-assistenza tal-mekkaniżmu ta’ governanza propost. Din il-fergħa ser tgħaqqad il-perspettivi reġjonali, nazzjonali u Ewropej bil-ħsieb li ġġib valur miżjud operattiv fit-tfassil tal-politika u l-implimentazzjoni: azzjonijiet li jridu jitwettqu fil-livell nazzjonali/reġjonali, iżda jqisu l-istampa (Ewropea) aktar wiesgħa.

4.3.

Dan il-proċess ta’ djalogu ser jiffoka fuq l-enerġija bħala element kritiku sabiex tinkiseb tranżizzjoni ġusta u sostenibbli u sabiex titwettaq politika li tirrispetta l-klima. Għandu jirrikonoxxi l-bżonnijiet tal-iżvantaġġjati u l-firxa wiesgħa ta’ tħassib soċjali u ambjentali marbuta mal-enerġija. Id-Djalogu Ewropew dwar l-Enerġija (DEE), inklużi l-kwistjonijiet relatati mal-klima, ser jifformula approċċ volontarju u fehim – definiti bħala kuntratt soċjali dwar l-enerġija – li jistgħu jintużaw minn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet bħala qafas sostantiv soċjalment rilevanti. Id-djalogu kontinwu ser ikun attiv fl-implimentazzjoni ta’ miżuri prattiċi taċ-ċittadini u tal-partijiet interessati. Fuq medda qasira ta’ żmien, għal raġunijiet ta’ effiċjenza u l-ħtieġa li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-proċess ta’ governanza, id-DEE għandu jikkonċentra fuq inizjattivi ta’ politika li għandhom ammont sostanzjali ta’ kwistjonijiet ta’ aċċettabilità u ta’ sjieda.

4.4.

Proċess bħal dan ser jippermetti wkoll koerenza akbar ta’ politika u konsolidazzjoni tal-għarfien f’oqsma speċifiċi – pereżempju l-ħtiġijiet speċjali tal-gżejjer u r-relazzjonijiet tal-enerġija ma’ pajjiżi li mhumiex fl-UE.

5.   Rabta mill-qrib mal-proċess ta’ governanza

5.1.

B’mod ġenerali, il-qafas għall-klima u l-enerġija huwa definit bħala dak iggwidat minn objettivi. Dan jimplika orjentazzjoni mill-ġdid mill-Istati Membri tal-istrateġiji dwar it-taħlita ta’ enerġija u l-effiċjenza tal-enerġija tagħhom b’mod li tinżamm is-sovranità nazzjonali filwaqt li jkunu wkoll komplementari mal-ġirien u jikkonverġu fuq objettivi miftiehma fil-livell tal-UE. Id-deskrizzjoni tal-istruttura ta’ governanza (ara 2.3) tikkonsisti f’qafas ta’ linji gwida ġenerali li qed jiġi propost mill-Kummissjoni segwit minn diskussjonijiet reġjonali, preżentazzjoni, valutazzjoni u reviżjoni ta’ programmi nazzjonali u aġġustament kontinwu sakemm tintlaħaq konklużjoni sodisfaċenti.

5.2.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ dan l-approċċ għax jemmen li hu konsistenti mal-ħtieġa urġenti li tiġi provduta provvista tal-enerġija iktar sikura, kompetittiva u ekoloġika fl-Ewropa kollha. L-istruttura ta’ governanza għandha tgħin ukoll biex jitnaqqsu kemm jista’ jkun ir-rekwiżiti tar-rappurtar u l-burokrazija relatata. Jeħtieġ li din tagħti kas kif xieraq tal-karatteristiċi transkonfinali u reġjonali li huma rilevanti ħafna u li qed jiżdiedu, tal-attivitajiet tal-enerġija. Madankollu, l-effettività ta’ approċċ bħal dan ser teħtieġ rieda politika koeżiva u din għandha tinbena minn konverġenza tal-attitudnijiet taċ-ċittadini f’kull wieħed mit-28 Stat Membru.

5.3.

Il-KESE jqis li d-DEE jaqdi rwol formattiv f’dan il-proċess u jkompli għaddej f’termini ta’ implimentazzjoni u appoġġ tal-partijiet interessati ladarba jintlaħaq qbil. Għaldaqstant m’għandu jinħela l-ebda ħin fit-twaqqif tad-DEE, permezz ta’ tmexxija politika b’saħħitha, bħala proċess fundamentali marbut, speċjalment peress li l-pjani nazzjonali huma antiċipati bħallikieku ntlaħaq ftehim dwarhom u li ser jibdew joperaw qabel l-2020. Il-Kumitat kien diġà rrakkomanda l-inklużjoni tad-djalogu dwar l-enerġija fil-Komunikazzjoni dwar l-Unjoni tal-Enerġija u huwa inkoraġġanti li dan ġie inkluż: “- involviment ta’ djalogu dwar l-enerġija ma’ partijiet interessati għat-tfassil tal-politika u l-appoġġ għall-involviment attiv fil-ġestjoni tat-tranżizzjoni tal-enerġija.”  (3). Huwa jinnota li għad mhemm l-ebda identifikazzjoni ta’ punt ta’ azzjoni speċifiku fir-rigward tal-governanza li jista’ jipprovdi l-approvazzjoni meħtieġa biex jinbnew l-istrutturi ta’ appoġġ tad-DEE u jħeġġeġ biex dan jiġi rimedjat mill-Kunsill u l-Parlament billi jadottaw il-miżuri dwar id-djalogu proposti fit-taqsima 6 ta’ din l-Opinjoni.

5.4.

Proċess ta’ governanza jinsab fil-punt ta’ kuntatt bejn il-politika u l-implimentazzjoni. Fil-każ tal-enerġija dan għandu jiffaċilita soluzzjonijiet dwar firxa wiesgħa ta’ kompromessi li, fil-ħajja reali, ser ikunu meħtieġa. Il-Kumitat iqis il-proposta tiegħu ta’ Djalogu Ewropew dwar l-Enerġija bħala lubrikant vitali f’dan il-proċess. It-tranżizzjoni tal-enerġija tinvolvi moviment, bidla u, inevitabbilment, ċertu ammont ta’ frizzjoni. Id-DEE jista’ jnaqqas il-frizzjoni bejn il-partijiet interessati fil-livelli kollha u bejn l-Istati Membri.

5.5.

Id-djalogu Ewropew dwar l-Enerġija (DEE) ser ikun proċess ta’ appoġġ għall-implimentazzjoni tal-objettivi tal-Unjoni tal-Enerġija billi jippermetti lill-partijiet interessati kollha biex jiskambjaw l-informazzjoni, jesprimu fehmiet u jinfluwenzaw it-tfassil tal-politika dwar kwistjonijiet tal-enerġija. Id-DEE ser jippromovi l-fehim tal-kompromessi meħtieġa, is-sjieda tal-viżjoni, il-kontribut għas-soluzzjonijiet u l-aċċettazzjoni tagħhom, u fl-aħħar mill-aħħar il-bidla fl-imġiba favur il-miżuri politiċi li jirfdu l-Unjoni tal-Enerġija. DEE wiesa’ ser jippermetti biex preferenzi nazzjonali tal-enerġija jitwasslu u jiġu kkunsidrati b’mod aktar ċar fil-livell tal-UE u jkunu ta’ benefiċċju għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet.

Id-DEE ser iwassal għal:

fehim aħjar tal-formulazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni tal-Enerġija, li jikkontribwixxi għall-viżibbiltà, l-aċċettazzjoni u s-suċċess ta’ din il-prijorità ewlenija tal-Kummissjoni;

opinjoni infurmata tal-pubbliku, li tipprovdi iktar ċertezza politika, u l-evidenza ta’ proċess miftuħ, iffukat u orjentat lejn ir-riżultati. Din l-opinjoni infurmata ser tirriżulta mit-taħlita prattika tal-konverżazzjoni interattiva u wiesgħa madwar l-Ewropa kollha dwar id-DEE u l-għarfien mill-ħajja ta’ kuljum;

fehim aħjar min-naħa tal-utenti tal-enerġija tar-rwol tagħhom u tal-miżuri disponibbli għalihom biex isaħħu l-ekonomija tal-enerġija tagħhom, li jwassal għal aktar impenn mill-konsumatur, il-bażi għal relazzjoni pożittiva u mġedda mal-fornituri tal-enerġija;

“spazju ta’ konverżazzjoni newtrali”, li jrawwem il-fiduċja u l-leġittimità permezz tat-tfassil u l-iffaċilitar tad-diskussjoni, aktar milli tiġi ssuġġerita konklużjoni predeterminata.

6.   Rotta possibbli ta’ implimentazzjoni

6.1.

Bħal fil-każ tal-proċess ta’ governanza formali, id-DEE, minkejja li għandu natura pan-Ewropea, ser jeħtieġ li jiġi stabbilit f’kull Stat Membru, jirrikonoxxi l-inizjattivi eżistenti ta’ djalogu nazzjonali tal-enerġija iżda jinkorpora bħala miri l-għanijiet tal-qafas dwar il-klima u l-enerġija. Fejn id-djalogi nazzjonali diġà qed iseħħu, l-integrazzjoni mad-DEE tkun ta’ benefiċċju reċiproku u tipprovdi mekkaniżmu strutturat iżda aktar flessibbli li jappoġġja r-reviżjoni tal-Kummissjoni tal-elementi tal-pjan nazzjonali u joffri fokus biex jinforma lill-konsumaturi. Dan jgħin lill-fornituri tal-enerġija biex jimpenjaw ruħhom u jibnu l-fiduċja u jipprovdu mezz biex jiġi espress ħafna mit-tħassib ta’ gruppi differenti dwar is-sigurtà tal-enerġija, l-affordabbiltà u s-sostenibbiltà. Fil-qosor, ser ikunu meħtieġa dawn il-passi:

Ser ikunu meħtieġa finanzjament u riżorsi sostanzjali għad-DEE. Ser jitwaqqaf mekkaniżmu sabiex jiġi stabbilit fond kollettiv indipendenti u mingħajr preġudizzju li ser jittieħed primarjament minn partijiet interessati tul il-katina tal-produzzjoni u l-provvista tal-enerġija, supplimentati b’appoġġ adegwat mill-UE u l-gvernijet tal-Istati Membri. B’mod ġenerali, id-DEE ser ikun kosteffettiv ħafna fil-mod kif jinvolvi lill-konsumaturi ta’ kull tip fil-modulazzjoni tal-enerġija u kif jagħraf u jistimola l-kontribut tal-prosumaturi.

Filwaqt li l-Kummissjoni għandha tipprovdi gwida ċara dwar l-istruttura tal-pjani nazzjonali, dwar il-possibbiltà ta’ aġġornamenti/reviżjonijiet, dwar l-obbligi ta’ rappurtar u l-infurzabbiltà ta’ pjani nazzjonali, id-DEE, f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni u l-partijiet interessati ewlenin kollha, ser jiżviluppa linji gwida dwar l-istabbiliment ta’ djalogi nazzjonali tal-enerġija.

Ser tiġi stabbilita struttura għal kollox indipendenti ta’ koordinazzjoni tad-DEE biex tinkoraġġixxi azzjoni u implimentazzjoni f’kull Stat Membru. Din l-istruttura għandha tikkontribwixxi, fost l-oħrajn, għar-reviżjoni neċessarja mill-Kummissjoni tal-kontenut u l-ambizzjoni tal-pjani nazzjonali kif ukoll l-implimentazzjoni tagħhom. Dan ser jenfasizza l-kontribut li l-partijiet interessati jistgħu jagħmlu għat-tiswir ta’ politika.

Impenn nazzjonali ta’ tnax-il xahar tal-partijiet interessati u proċess ta’ appoġġ f’kull Stat Membru ser iwasslu għal programm ta’ involviment u djalogu li ser jiġu stabbiliti, fejn id-dibattitu dwar il-prijoritajiet tal-pjan nazzjonali ser ikun l-ewwel suġġett. Tali proċess għandu jqis ukoll li jiżgura l-prevedibbiltà u l-istabbiltà tal-pjani nazzjonali.

Ser ikun hemm dibattitu tal-pjani nazzjonali u diskussjonijiet reġjonali ma’ gruppi nazzjonali tal-viċinat tad-DEE. Il-pjani nazzjonali tal-Istati Membri għandhom jipprovdu rendikont ta’ konsultazzjonijiet ma’ Stati Membri ġirien, fost oħrajn fi ħdan id-DEE, u l-oqsma li jirriżultaw minn dawn ta’ kooperazzjoni reġjonali.

Ser isegwu diskussjonijiet fil-livell tal-UE bejn il-gruppi ta’ djalogu kollha tal-enerġija. Dawn id-diskussjonijiet mgħoddija permezz ta’ struttura ta’ koordinazzjoni indipendenti, għandu jkollhom funzjoni konsultattiva mal-istituzzjonijiet tal-UE u jsaħħu l-kosteffettività tal-politiki tal-UE u l-Istati Membri.

Ser isir użu sħiħ tal-għodod onlajn, pereżempju dawk żviluppati mid-DĠ CONNECT, biex jappoġġjaw l-evoluzzjoni tal-politika permezz tal-parteċipazzjoni u l-involviment.

6.2.

Spjegazzjoni aktar dettaljata tad-DEE ġiet adottata mill-KESE fl-Opinjoni tiegħu dwar Bżonnijiet u mezzi għall-involviment tal-pubbliku fil-qasam tal-politika tal-enerġija  (4). Id-DEE huwa previst bħala “djalogu” permanenti, deskritt b’mod aktar sħiħ bħala proċess indipendenti, li jinvolvi lill-partijiet interessati kollha u juża l-aħjar prattika ta’ involviment u jaqdi rwol ta’ fiduċja li huwa kontinwu fl-implimentazzjoni tat-tranżizzjoni tal-enerġija. Il-KESE huwa impenjat bis-sħiħ għal din l-inizjattiva u ser jassumi rwol ta’ tmexxija u, flimkien ma’ oħrajn, ser jipprovdi appoġġ attiv.

7.   Kummenti finali

7.1.

Il-KESE jilqa’ d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni (5) li tindika li l-istruttura ta’ governanza għandha tiġi żviluppata billi jitqiesu l-fehmiet tal-Parlament Ewropew, l-Istati Membri u l-partijiet interessati. L-appoġġ u l-ftehim vokali tas-soċjetà ċivili jwittu t-triq biex jinkisbu miri li joffru sfida. Permezz ta’ konnessjoni mal-ħajja u t-tħassib tan-nies, proċess ta’ governanza li jibbaża fuq DEE ser jgħin biex l-Unjoni tal-Enerġija tkun allinjata mal-aspettattivi taċ-ċittadini. Dan ser jiggarantixxi fehim tal-isfidi tal-enerġija u l-għażliet ta’ kompromess, u jtejjeb l-aċċettabbiltà u l-fiduċja – mhux l-inqas billi juri l-kapaċità li jisma’ u jinvolvi l-partijiet interessati.

7.2.

Barra minn hekk ser ikun hemm tnaqqis sinifikanti fl-ispiża politika fit-tul peress li ser jiġi stabbilit proċess li fih il-partijiet interessati kollha jkunu involuti fit-tfassil ta’ tranżizzjoni enerġetika li jriduha maġġoranza ta’ nies u li hija prammatika u orjentata lejn il-futur. Din hija kwistjoni li għandha impatt fuq kulħadd u tista’ twassalhom biex jivvalutaw mill-ġdid b’mod pożittiv il-perċezzjoni tagħhom tal-UE u l-proċessi tagħha u jagħrfu l-valur miżjud u l-governanza miftuħa tal-UE.

Brussell, it-23 ta’ April 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 424, 26.11.2014, p. 39.

(2)  COM(2015) 80 final.

(3)  COM(2015) 80 final p. 18.

(4)  ĠU C 161, 6.6.2013, p. 1.

(5)  Komunikazzjoni, Qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija fil-perjodu ta’ bejn l-2020 u l-2030 (COM(2014) 15 final).


4.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 291/14


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Progress u Sfidi”

(Opinjoni esploratorja mitluba mill-Parlament Ewropew)

(2015/C 291/03)

Relatur:

Raymond HENCKS

Korelatur:

Stefan BACK

Nhar it-13 ta’ Jannar 2015, il-Parlament iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – progress u sfidi

(Opinjoni esploratorja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ April 2015.

Matul il-507 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-22 u t-23 ta’ April 2015 (seduta tat-22 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’96 vot favur, 2 voti kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jtenni l-appoġġ tiegħu (1) għall-għanijiet stabbiliti fil-White Paper tal-2011 dwar “Pjan Direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport” (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ il-Pjan Direzzjonali). Iż-Żona Unika Ewropea tat-Trasport għadha element importanti fl-aġenda tal-Unjoni Ewropea. Għad hemm sfidi ewlenin li jfixklu t-twaqqif taż-Żona Unika Ewropea tat-Trasport bħala mezz għall-ksib ta’ tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi, u impjiegi u kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ kwalità tajba.

1.2.

Fid-dawl tal-għaxar prijoritajiet tal-Kummissjoni Juncker għall-2015-2019, il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2015, u l-għanijiet tal-Pjan Direzzjonali, il-KESE jiġbed l-attenzjoni dwar il-punti li ġejjin.

1.3.

L-implimentazzjoni effiċjenti tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS) tista’ tħalli aktar riżorsi disponibbli għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa fejn l-investiment privat jew l-imposti mhumiex se jaħdmu. Fi kwalunke każ, iż-EUR 2,7 biljun li għandhom jiġu trasferiti mill-baġit dwar it-trasport tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa lill-FEIS għandhom jiġu allokati għat-trasport. Il-KESE jtenni l-ħtieġa ta’ ppjanar reali ta’ infrastruttura transkonfinali meta jiġi implimentat it-TEN-T, biex jiġi żgurat l-aħjar użu effiċjenti tar-riżorsi.

1.4.

L-użu simultanju tal-prinċipji “min iniġġes iħallas” u “l-utent iħallas” se jdgħajjef il-finanzjament ibbażat fuq it-tieni prinċipju msemmi. Hemm bżonn kunċetti tal-imposti iktar ċar u sempliċi. Hemm bżonn għażliet għall-aġġustament tal-imposti biex jiggarantixxu l-koeżjoni, tiġi evitata l-esklużjoni soċjali u jiżguraw il-koerenza mat-taxxi u l-imposti b’mod ġenerali.

1.5.

Għad hemm ħafna xi jsir biex jitlesta s-suq intern tat-trasport. L-Opinjoni (2) tal-Kumitat tal-11 ta’ Lulju 2013 dwar ir-Raba’ Pakkett Ferrovjarju tappoġġja l-għanijiet għall-ikkompletar ta’ suq ferrovjarju uniku komuni fl-Ewropa li jipprovdi trasport ta’ kwalità għolja mingħajr problemi fil-fruntieri. Il-KESE, kif iddikjara fl-Opinjoni tiegħu tal-2011 dwar il-Pjan Direzzjonali (3), jixtieq li titwettaq valutazzjoni tal-impatt bilanċjata tal-passi ġodda ppjanati f’dik id-direzzjoni. Tintlaqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tikkjarifika r-regoli marbutin mal-aċċess għas-suq fit-trasport bit-triq sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni u l-kontroll tal-konformità.

1.6.

Il-KESE jappoġġja l-enfasi tal-Kummissjoni Juncker fuq id-dumping soċjali. Huwa jitlob lill-Kummissjoni biex tipproponi miżuri preventivi. L-Istati Membri għandhom isaħħu l-kontroll tal-konformità anke permezz ta’ kooperazzjoni transkonfinali mtejba – inklużi l-iskambju ta’ informazzjoni u sanzjonijiet adegwati, b’mod partikolari fir-rigward tal-kumpaniji tal-isem (letterbox companies) u l-impjieg indipendenti fittizju. Iridu jimtlew l-lakuni fil-leġislazzjoni dwar l-aċċess għall-professjonijiet tat-trasport/il-liċenzji għall-operat u dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali. Il-miżuri ta’ kontroll għandhom ikunu proporzjonati u ma għandhomx jitfgħu piż amministrattiv mhux meħtieġ fuq il-partijiet konċernati.

1.7.

Il-bidla modali teħtieġ flessibbiltà u adattament għall-kundizzjonijiet lokali, partikolarment il-limitu ta’ 300 kilometru mitlub għat-trasport bit-triq, li mhux se jaħdem f’reġjuni mbiegħda u b’popolazzjoni b’densità baxxa b’netwerk ferrovjarju limitat.

1.8.

Hemm bżonn infrastruttura u servizzi tat-trasport adegwati, inkluż fir-reġjuni mbiegħda. Fl-Anness I tal-Pjan Direzzjonali għandha tiddaħħal inizjattiva ġdida: li l-użu tat-trasport pubbliku fiż-żoni urbani jirdoppja sal-2030 permezz ta’ installazzjonijiet u infrastrutturi li jiffaċilitaw il-mobbiltà ta’ persuni għaddejjin bil-mixi, ċiklisti u persuni anzjani jew b’mobbiltà mnaqqsa, bħala parti mill-pjani ta’ mobbiltà urbana.

1.9.

Il-KESE jenfasizza l-importanza tad-drittijiet tal-passiġġieri, fid-dawl tal-ħolqien ta’ organizzaturi tat-trasport b’kunċett ġdid bħal Uber.

1.10.

Il-KESE jissuġġerixxi li jsir użu ta’ djalogu parteċipattiv meta titħejja verżjoni riveduta tal-Pjan Direzzjonali u jirreferi f’dan il-kuntest għall-Opinjoni tiegħu tal-11 ta’ Lulju 2012 (4).

1.11.

Il-KESE jissuġġerixxi evalwazzjoni ġenerali mill-ġdid tal-Pjan ta’ Azzjoni fl-Anness I tal-Pjan Direzzjonali tiegħu f’dak li jirrigwarda l-fattibbiltà politika attwali tiegħu.

2.   Reviżjoni tal-Pjan Direzzjonali tal-2011 – Ħarsa ġenerali

2.1.

Il-Parlament Ewropew qed jippjana rapport fuq inizjattiva tiegħu dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali u għaldaqstant talab lill-KESE jħejji opinjoni esploratorja dwar l-istess suġġett.

2.2.

Fl-Opinjoni tiegħu dwar il-Pjan Direzzjonali (5), il-KESE laqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni, iżda sab differenza sinifikanti bejn l-għanijiet u l-mezzi li bihom jistgħu jinkisbu u jiġu ffinanzjati.

2.3.

Il-KESE jinnota li l-biċċa l-kbira tal-kummenti fl-Opinjoni tiegħu dwar il-Pjan Direzzjonali għadhom pertinenti. Dan japplika għall-punti li ġejjin b’mod partikolari (6):

Il-problema tal-finanzjament tal-investimenti meħtieġa biex jintlaħqu l-għanijiet marbuta ma’, fost l-oħrajn l-infrastruttura, il-fjuwils alternattivi u s-sistemi ta’ propulsjoni u l-infrastruttura li dawn għandhom bżonn. L-imposti u l-finanzi privati mhumiex se jaħdmu kullimkien.

Koordinazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri dwar l-ippjanar tal-infrastruttura.

Rikonoxximent tar-rwol kruċjali li jaqdi s-settur tat-trasport bħala fattur għall-kompetittività u l-prosperità, il-bżonn li tinħoloq sistema integrata tat-trasport Ewropew. Appoġġ għall-iżvilupp ta’ strateġija li tipprovdi l-Ewropa bi trasport effiċjenti, verament sostenibbli, li jqis l-isfidi ekonomiċi, ambjentali iżda wkoll dawk soċjali. L-iżviluppi fil-modi kollha tat-trasport għandhom iqisu aktar – u jsaħħu – id-djalogu soċjali. Fit-trasport bit-triq b’mod partikolari, dan imur id f’id ma’ miżuri li jipprevjenu l-abbuż tad-differenzi fil-pagi u l-istandards tal-protezzjoni soċjali.

L-approċċ riġidu għall-bidla modali mit-triq fir-rigward ta’ distanzi akbar minn 300 km, li mhijiex realistika f’ċerti każijiet, pereżempju f’pajjiżi kbar b’densità baxxa ta’ netwerk tal-ferrovija.

L-importanza tal-aħjar użu tar-riżorsi disponibbli, inklużi l-infrastruttura u l-vetturi, u l-iżgurar ta’ flussi tat-trasport ottimizzati permezz ta’ loġistika effiċjenti, inklużi riżorsi bħal e-freight (trasport elettroniku tal-merkanzija) u l-kurituri ekoloġiċi.

Il-ħtieġa li tkun żgurata kompetenza kontinwa permezz tal-isforzi tal-edukazzjoni u r-reklutaġġ; kundizzjonijiet soċjali adegwati għall-ħaddiema li jivvjaġġaw.

Mhux qed issir biżżejjed enfasi fuq l-importanza tat-trasport urban, inkluż it-trasport tal-merkanzija (l-ewwel mil/l-aħħar mil).

2.4.

Erba’ snin mill-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali, il-KESE jinnota li ttieħdu għadd ta’ inizjattivi iżda dawn taw riżultati limitati s’issa. Madankollu, ittieħdu passi biex jiġi implimentat il-Pjan Direzzjonali, kemm fil-forma ta’ proposti leġislattivi kif ukoll f’inizjattivi ta’ politika. Dawn jinkludu r-Regolament il-ġdid dwar il-Linji gwida tat-TEN-T (7) u r-Regolament dwar il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (8), adottati t-tnejn fl-2013, il-leġislazzjoni dwar l-iskjerament ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi kif ukoll miżuri biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-GHGs mill-vetturi.

2.5.

Madankollu, ftit inkiseb fit-tħeiija ta’ bażi għal aktar ftuħ tas-suq, il-monitoraġġ tal-konformità u l-iffaċilitar tat-trasport bl-art minn pajjiż għall-ieħor. Ir-Reġistru Ewropew tal-Impriżi tat-Trasport bit-Triq (ERRU), pereżempju, li kien maħsub biex jappoġġja l-monitoraġġ tal-konformità mar-regolamentazzjoni tas-suq tat-trasport bit-triq, sofra dewmien fl-implimentazzjoni. L-istess ġara fir-rigward tas-Sistema Ewropea ta’ pedaġġ elettroniku stradali, li nħolqot biex tiffaċilita t-traffiku transkonfinali iżda li għad trid tiġi implimentata. Bl-istess mod, il-problema tal-kundizzjonijiet soċjali varjabbli għall-ħaddiema mobbli u r-riperkussjonijiet tagħhom fuq il-kompetizzjoni fil-biċċa l-kbira baqgħet ma ssolvietx. Fil-każ tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar ta’ Ħaddiema, l-interpretazzjoni diverġenti fost l-Istati Membri, li xi wħud minnhom ma japplikawx il-leġislazzjoni korrettament, toħloq problema serja għat-tħaddim bla xkiel tas-suq intern.

2.6.

Fir-rigward tal-finanzjament, il-KESE jinnota li, għalkemm il-finanzjament tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa mhuwiex suffiċjenti, is-settur tat-trasport huwa wieħed mill-prijoritajiet ewlenin tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS), li l-Kummissjoni u l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) qegħdin fil-proċess li jwaqqfu. Dan huwa ċċarat, fost l-oħrajn, mir-rapport konġunt tal-grupp ta’ ħidma tal-Kummissjoni u tal-BEI bil-kompitu li jiffissa kriterji għall-għażla tal-proġetti li għandhom jiġu ffinanzjati. Il-KESE jinnota f’dan ir-rigward li ż-EUR 2,7 biljun ta’ finanzjament disponibbli għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa fir-rigward tat-trasport ngħata lill-FEIS. Huwa importanti li dawn il-fondi jintużaw għall-benefiċċju tas-settur tat-trasport meta jiġi implimentat il-FEIS.

2.7.

F’dan il-kuntest, il-KESE jixtieq jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li dawn l-investimenti ma jkunux limitati biss għall-estensjoni tal-infrastruttura, iżda wkoll jappoġġjaw proġetti biex jimmodernizzaw u jtejbu l-prestazzjoni tas-settur, kif ukoll miżuri biex jipprovdu ħaddiema kkwalifikati u mħarrġa sew.

3.   It-trasport fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni

3.1.

Il-KESE jinnota li ż-Żona Unika Ewropea tat-Trasport ma tissemmiex fil-linji gwida ta’ politika għall-ħames snin li ġejjin jew fl-għaxar prijoritajiet stabbiliti mill-President Juncker, u inklużi fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2015 (9).

3.2.

Filwaqt li jitqiesu kemm l-importanza tat-trasport bħala settur ekonomiku u n-natura speċifika tiegħu li ħafna drabi jirrikjedi soluzzjonijiet apposta, il-KESE jaħseb li kien ikun xieraq li wieħed isemmi t-trasport bħala kwistjoni speċifika marbuta ma’ pereżempju l-ewwel prijorità (tkabbir u impjiegi) u prijoritajiet 3 u 4 (unjoni tal-enerġija u suq intern aktar profond) li kollha jittrattaw it-trasport. Dan huwa partikolarment il-każ fir-rigward tas-suq intern peress li l-politika tat-trasport hija ttrattata f’kapitolu speċifiku tat-TFUE u indirizzata b’mod separat kemm fl-istrateġija Ewropa 2020 kif ukoll fiż-żewġ Atti dwar is-Suq Uniku.

3.3.

Fid-dawl tad-direzzjoni ġenerali tal-politika skont il-prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni Juncker, jiġifieri li l-aġenda tal-politika tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi deċiża bi sħubija mill-qrib bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew, u b’koperazzjoni mal-Istati Membri, il-KESE jissuġġerixxi li l-lista ta’ inizjattivi stabbiliti fl-Anness I tal-Pjan Direzzjonali tiġi vvalutata mill-ġdid fid-dawl ta’ kemm huma politikament fattibbli.

4.   Il-koeżjoni territorjali

4.1.

Il-Pjan Direzzjonali ma jagħmel l-ebda referenza għall-koeżjoni territorjali.

4.2.

Skont l-Artikoli 90 u 91 tat-Trattat, il-politika komuni tat-trasport hija intiża biex tikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-koeżjoni territorjali, jiġifieri l-iżgurar ta’ aċċess għan-netwerk tat-trasport fir-reġjuni rurali b’popolazzjoni baxxa li spiss huma nieqsa minn servizzi ta’ trasport pubbliku, u b’hekk l-abitanti tagħhom ikunu mċaħħda minn alternattiva għat-trasport bit-triq. Il-KESE jinnota f’dan il-kuntest għan iktar bikri tal-UE, dak li jkun żgurat li l-maġġoranza tal-pubbliku u n-negozji tal-UE jkunu mhux iktar minn 30 minuta bogħod minn dak in-netwerk. Dan l-għan jidher li ntesa (10).

4.3.

Għalkemm il-Pjan Direzzjonali, f’dak li jirrigwarda l-aċċessibilità, jiddikjara li hemm ir-riskju li d-differenzi bejn iż-żoni ċentrali u periferiċi jikbru, ir-raba’ għan li jinżamm netwerk ferrovjarju sfiq fl-Istati Membri kollha ma seħħx, peress li l-ebda inizjattiva prattika ma hija marbuta ma’ dik il-mira filwaqt li għadd dejjem ikbar ta’ rotot reġjonali qed jiġu eliminati minħabba n-nuqqas ta’ qligħ.

4.4.

Il-KESE jirreferi f’dan il-kuntest għall-kumment tiegħu rigward ir-rakkomandazzjoni tal-pjan direzzjonali dwar l-għoti mandatorju tal-kuntratti ta’ servizz pubbliku b’sejħiet ta’ offerti kompetittivi. Il-KESE jitlob li, qabel ma tressaq proposta dwar din il-kwistjoni u mhux iktar minn sitt xhur mit-3 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni Ewropea tipproduċi rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007, kif previst fl-Artikolu 8(2) tiegħu.

4.5.

Il-KESE għalhekk iqis li, f’konformità mal-Artikolu 174 tat-Trattat ta’ Lisbona, li jistipula li għandha tingħata attenzjoni speċjali lir-reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali u dejjiema, trasport ieħor tal-passiġġieri li ma jkunx biss għat-turiżmu għandu jiġi kklassifikat bħala servizz ta’ interess ġenerali u għalhekk għandu jissodisfa l-kriterji ta’ universalità, aċċessibbiltà, inkluża l-aċċessibilità għall-persuni b’diżabbiltà u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa, il-kontinwità, il-kwalità u prezz raġonevoli.

5.   Trasport sostenibbli

5.1.

Diġà fl-2007, f’nofs it-term tal-programm tal-White Paper 2001-2010, il-Kummissjoni kellha tammetti li “l-Ewropa għadha mhijiex fi triq ta’ trasport sostenibbli”  (11). Il-KESE jemmen li l-approċċ ma nbidel xejn minn dakinhar.

5.2.

Fl-Opinjoni esploratorja “Futur sostenibbli għat-trasport” (12), il-KESE stqarr li, għalkemm it-trasport huma element prinċipali għal ħafna libertajiet (il-libertà li ngħixu u naħdmu f’partijiet differenti tad-dinja, li ngawdu minn prodotti u servizzi differenti, li ninnegozjaw u nistabbilixxu kuntatti personali), wieħed mill-għanijiet bażiċi tal-politika huwa li tistabbilixxi qafas għal dawn il-libertajiet u saħansitra timponi limiti, ladarba dawn jaffettwaw, u saħansitra jheddu, libertajiet jew bżonnijiet oħra: pereżempju s-saħħa tal-bniedem, l-ambjent, il-klima kif ukoll il-bżonnijiet tal-ġenerazzjonijiet futuri.

5.3.

Il-Pjan Direzzjonali huwa bbażat fuq il-premessa li “t-trażżin tal-mobbiltà mhuwiex alternattiva”. Il-KESE jtenni dak li qal fil-punt 3.9 tal-Opinjoni tiegħu tal-2011 dwar il-Pjan Direzzjonali (13), jiġifieri li dan m’għandux jiġi interpretat bħala li jmur kontra l-miżuri li se jagħmlu t-trasport aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli. U lanqas ma jmur kontra l-promozzjoni ta’ bdil fl-imġiba lejn l-użu ta’ mezzi tat-trasport aktar sostenibbli jew l-evitar tat-trasport.

5.4.

Għalhekk, ma jistax jiġi miċħud li l-mobbiltà hija dritt li tiggarantixxi lil kull ċittadin l-aċċess u d-dritt li jgawdi attivitajiet ekonomiċi, soċjali u kulturali. Wieħed ma jistax madankollu jinjora l-imġiba, ħafna drabi mhux sostenibbli tal-użu ta’ karozzi privati individwali biex imur minn post għal ieħor, jew bir-rifjut, għal raġunijiet ta’ konvenjenza, li juża t-trasport pubbliku disponibbli. Ir-restrizzjoni tal-ivvjaġġar individwali inutli u t-tnaqqis fil-konġestjoni tat-traffiku, b’mod partikolari permezz ta’ miżuri dissważivi, miżuri li jinkoraġġixxu l-użu tat-trasport pubbliku, jew permezz ta’ innovazzjonijiet fil-forma ta’ organizzazzjoni tax-xogħol (pereżempju sigħat flessibbli), huma ċertament ilkoll alternattivi li għandhom jiġu kkunsidrati.

5.5.

Għalhekk, il-KESE jemmen li għandha ssir enfasi partikolari fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tal-vetturi nodfa, ħielsa mill-partiċelli u sikuri, inkluż it-tnaqqis tal-istorbju mill-vetturi mingħajr ma jiġu kompromessi l-istandards għoljin ta’ sikurezza għall-modi kollha ta’ trasport, u fjuwils alternattivi, inkluża l-infrastruttura meħtieġa.

5.6.

Sabiex jinkiseb dan, huwa meħtieġ li titħaffef l-istandardizzazzjoni teknika u r-regolamentazzjoni (azzjoni fuq il-prezzijiet, sussidji u taxxa), speċjalment fis-settur tal-karozzi, li tammonta għal aktar minn nofs l-emissjonijiet mis-settur tat-toroq.

5.7.

Għalkemm hemm konverġenza bejn l-Istati Membri tal-UE dwar l-għanijiet u l-linji gwida għal perijodu fit-tul, għad fadal differenzi fundamentali fir-rigward tal-iżvilupp u s-sensittivitajiet ta’ kull pajjiż.

5.8.

Pereżempju, xi pajjiżi jippruvaw jippromovu vetturi nodfa permezz ta’ sussidji lill-industrija tal-karozzi, xi drabi għotjiet ġenerużi għax-xiri ta’ karozzi bħal dawn, il-ħelsien mit-taxxa fuq il-bijokarburanti, skontijiet fuq il-ħlas tal-awtostrada, tassazzjoni ta’ karozzi li jniġġsu u għotjiet għall-iskrappjar ta’ vetturi qodma.

5.9.

Madankollu, huwa ċar li għad hemm triq twila ħafna biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti. L-effetti ta’ dawn is-sussidji huma limitati ħafna, sal-punt fejn huma diġà tnaqqsu b’mod sinifikattiv jew anke tneħħew. Il-bejgħ mhux qed jiżdied kif mistenni, li qed jikkawża problemi serji għall-manifatturi li jagħżlu l-għażla kompletament elettrika. Il-KESE jqis li huwa importanti li jinżammu u jiġu estiżi l-inċentivi biex tinkiseb id-dekarbonizzazzjoni, iżda huwa tal-fehma li l-appoġġ għandu jingħata mhux biss għall-iżvilupp ta’ vetturi nodfa, iżda għal kull mezz ta’ trasport nadif.

6.   Il-prinċipji ta’ min iniġġes iħallas u li l-utent iħallas

6.1.

Skont il-Kummissjoni, l-ipprezzar u t-taxxi għandhom jiġu ristrutturati b’mod li jitqiesu aħjar il-prinċipji ta’ min iniġġes iħallas u li l-utent iħallas u li jirriflettu l-ispejjeż totali, inkluż l-ispejjeż esterni u infrastrutturali.

6.2.

Il-KESE jisħaq li trid issir distinzjoni ċara bejn dawn iż-żewġ prinċipji, billi n-natura u l-għan tagħhom huma kompletament differenti.

6.3.

Il-KESE japprova l-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, minħabba l-ispiża ekonomika tan-nonsostenibbiltà, iżda jirrimarka li spiss, u b’mod partikolari f’reġjuni rurali jew b’popolazzjoni baxxa, ma jeżistux alternattivi għall-mezzi ta’ trasport li jniġġsu; l-impriżi u ċ-ċittadini kkonċernati ma jistgħux jiġu kkastigati jew titnaqqsilhom il-kompetittività tagħhom minħabba dan. Bl-istess mod, it-taxxi fuq it-tniġġis m’għandhomx ikunu sempliċiment miżjuda mal-prezz tal-prodotti u s-servizzi u imposti fuq il-konsumaturi mingħajr ma tinkiseb xi bidla fl-imġiba.

6.4.

Madankollu, il-Kumitat huwa kontra l-applikazzjoni ġenerali tal-prinċipju li l-utent iħallas mingħajr differenzjazzjoni, billi t-trasport pubbliku huwa servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali u l-Protokoll 26 dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali, mehmuż mat-Trattat ta’ Lisbona, jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li dawn is-servizzi jkunu ta’ kwalità għolja u affordabbli.

6.5.

L-affordabbiltà ma tistax tkun għad-detriment ta’ pprezzar bbażat fuq l-ispejjeż. Barra minn hekk, kwalunkwe miżura ta’ dan it-tip tkun kontroproduċenti għat-tentattivi biex it-trasport jiġi dekarbonizzat u l-miżuri li ttieħdu minn bosta awtoritajiet tat-trasport urban li għażlu li joffru trasport pubbliku mingħajr ħlas għal ċerti gruppi ta’ età partikolari, kategoriji soċjali jew saħansitra għal kulħadd u jintalqtu priċipalment il-persuni vulnerabbli.

7.   Mobilità urbana

7.1.

L-eliminazzjoni gradwali ta’ vetturi li jużaw il-fjuwils konvenzjonali mhijiex fiha nnifisha biżżejjed biex tinkiseb mobbiltà integrata u sostenibbli fiż-żoni urbani.

7.2.

Il-KESE jtenni l-enfasi li qiegħed fl-Opinjoni tiegħu tal-2011 dwar il-Pjan Direzzjonali (14) dwar il-bżonn kbir tal-iżvilupp tat-trasport pubbliku urban, kif ukoll il-loġistika urbana, bħala parti minn politika ta’ trasport sostenibbli (ara d-diskussjoni fil-punti 31, 33 u 41 tal-Pjan Direzzjonali). Madanakollu, il-Kummissjoni tidher li qed tibda mill-premessa li s-soluzzjoni prinċipali għall-problemi urbani hija l-innovazzjoni teknoloġika fil-qasam tal-produzzjoni tal-vetturi nodfa. Din hija soluzzjoni għat-tul, meta dak li huwa meħtieġ bħalissa huma miżuri għal żmien qasir biex jonqsu t-tniġġis tal-arja u t-tniġġis tal-ħoss urban. Fi kwalunkwe każ, l-uniku mod biex tissolva l-konġestjoni tat-traffiku urban huwa li jiġi promoss it-trasport pubbliku.

7.3.

Il-KESE huwa diżappuntat li l-użu tat-trasport pubbliku fiż-żoni urbani mhux iddikjarat b’mod ċar bħala għan pereżempju taħt il-punt 2.3 fil-lista ta’ inizjattivi mehmuża mal-Pjan Direzzjonali. Hu jistieden lill-Kummissjoni biex tlesti l-White Paper għal dan l-għan u tistabbilixxi l-mira li l-użu tat-trasport pubbliku urban jirdoppja sal-2030, filwaqt li tipprovdi faċilitajiet u infrastrutturi li jiffaċilitaw il-mixi u ċ-ċikliżmu, kif ukoll l-anżjani u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa. Is-sistemi tat-trasport intelliġenti huma indispensabbli biex jipprovdu lill-utenti bl-informazzjoni meħtieġa dwar il-mezzi ta’ trasport għad-dispożizzjoni tagħhom. Madankollu, dawn is-sistemi jeħtieġu frekwenzi tar-radju u tul tal-mewġ adatti, kwistjoni li ma tqajmitx fil-White Paper.

7.4.

Għalhekk, il-KESE jtenni l-appoġġ tiegħu għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2013 dwar il-mobilità urbana kompetittiva u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi (15) u l-miżuri li qed jittieħdu bħalissa biex jimplimentawha.

7.5.

Il-KESE jtenni d-dispjaċir tiegħu, spjegat fl-Opinjoni tiegħu tal-2011 dwar il-Pjan direzzjonali (16), li t-trasport urban qiegħed barra mill-mandat leġislattiv tal-UE u jqis li l-miżuri rigward il-kriterji għall-installazzjoni u l-operat ta’ pedaġġi tat-toroq urbani u skemi ta’ restrizzjoni tal-aċċess għall-vetturi li jniġġsu għandhom ikunu armonizzati u jsiru parti integrali mill-pjani ta’ mobbiltà urbana, li wkoll, għandhom isiru obbligatorji għall-bliet kbar. L-armonizzazzjoni ta’ dawn l-elementi se tkun ta’ benefiċċju kemm għall-ambjent kif ukoll għall-funzjonament tas-suq intern.

8.   Id-drittijiet tal-passiġġieri

8.1.

Fl-Opinjoni tiegħu dwar il-Komunikazzjoni dwar id-Drittijiet tal-Passiġġieri fil-mezzi kollha tat-trasport (17), il-Kumitat jargumenta li tliet drittijiet addizzjonali għandhom jiżdiedu mal-għaxar drittijiet speċifiċi elenkati f’din il-komunikazzjoni, jiġifieri d-dritt għas-sikurezza (li jinkludi kemm is-sikurezza teknika tat-tagħmir tat-trasport kif ukoll is-sigurtà fiżika tal-passiġġieri), u d-dritt għal standards minimi ta’ kwalità tas-servizz, ta’ kumdità u aċċessibilità u ta’ ħarsien ambjentali.

8.2.

Fil-kummenti tagħha fuq l-opinjoni tal-KESE, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li d-drittijiet proposti kienu fatturi importanti li għandhom jitqiesu fil-leġislazzjoni futura dwar id-drittijiet tal-passiġġieri. Il-KESE għalhekk jipproponi li d-disa’ għan tal-Pjan Direzzjonali, li jimmira li jiġi żgurat li l-UE tkun minn ta’ quddiem fid-dinja fis-sigurtà u s-sikurezza tat-trasport fil-modi kollha tiegħu, jitpoġġa fil-prattika u li d-drittijiet attwali jiġu estiżi kif xieraq.

8.3.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-ħolqien ta’ kumpaniji ta’ medjazzjoni għas-servizzi tal-passiġġieri, bħal Uber, li jidher li jikkonsistu f’tip ta’ senserija tas-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri, fejn ir-relazzjoni bejn is-sensar (ix-xufier) u l-passiġġier ma tidhirx ċara f’diversi aspetti. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tanalizza s-sitwazzjoni fir-rigward tas-sigurtà, ir-responsabbiltà ta’ Uber u/jew ix-xufiera u d-drittijiet tal-passiġġieri fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tat-TFUE, il-leġislazzjoni soċjali u d-drittijiet tal-konsumatur.

9.   Id-dimensjoni soċjali tal-Pjan Direzzjonali

9.1.

Il-KESE jqis li biex is-settur tat-trasport jitħaddem mingħajr diffikultà u b’kundizzjonijiet indaqs, l-istandards soċjali jridu jiġu mtejba, il-kundizzjonijiet soċjali u tax-xogħol armonizzati, u l-prattiki ta’ dumping soċjali u tal-pagi eliminati.

9.2.

Madankollu, irid jingħad li ħafna setturi tat-trasport isofru minn prattiki abbużivi, inkluż l-evażjoni jew il-ksur tal-leġislazzjoni soċjali u/jew tax-xogħol. Rigward l-istazzjonar tal-ħaddiema u x-xogħol mhux iddikjarat, il-KESE jilqa’ d-Direttiva 2014/67/UE dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema, li għandha tiġi trasposta fil-liġijiet nazzjonali sa Ġunju 2016, u l-proposta pendenti għal deċiżjoni dwar l-istabbiliment ta’ Pjattaforma Ewropea biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-prevenzjoni u l-iskoraġġiment tax-xogħol mhux iddikjarat, li huma maħsuba biex titjieb is-sorveljanza u l-kooperazzjoni transkonfinali biex jiġu evitati l-prattiki illegali (18).

9.3.

Kif tinnota l-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha (19) dwar l-istat tas-suq tat-trasport bit-triq tal-Unjoni, in-nuqqas li tiġi appoġġjata bis-sħiħ il-leġislazzjoni tax-xogħol jista’ jkun ir-riżultat ta’ nuqqas ta’ miżuri vinkolanti fl-għadd u l-frekwenza tal-kontrolli. Għaldaqstant, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon id-Direttiva 2014/67/UE tal-UE u jtenni l-appoġġ tiegħu għall-Proposta għal Deċiżjoni dwar l-istabbiliment ta’ Pjattaforma Ewropea biex jiġi evitat ix-xogħol mhux iddikjarat msemmi fil-paragrafu preċedenti (20).

9.4.

Billi l-UE m’għandha l-ebda mandat biex tarmonizza l-istandards tal-liġijiet tax-xogħol b’mod sħiħ u tista’ tintroduċi biss standards minimi, huwa l-kompitu tad-djalogu settorjali li jipprovdu għal serje armonizzata ta’ standards tax-xogħol, is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, applikabbli b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha. Ir-riżorsi u l-appoġġ meħtieġa għall-implimentazzjoni tar-riżultat għandu jkun garantit.

9.5.

Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tieħu passi biex ittejjeb l-implimentazzjoni tal-qafas legali tas-settur u ssaħħu sabiex ikun jista’ jilqa’ l-isfidi. Dan għandu jinkludi miżuri ta’ sorveljanza u sanzjonijiet effettivi biex jeliminaw il-prattiki abbużivi u l-ksur tal-leġislazzjoni soċjali. Għandhom jingħalqu l-lakuni fil-leġislazzjoni dwar l-aċċess għall-professjonijiet tat-trasport/il-liċenzji għall-operat differenti, dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali, dwar ħaddiema temporanji mqabbda minn aġenzija u s-sottokuntratti għad-dumping soċjali. Kwistjonijiet oħra li jridu jiġu indirizzati jinkludu miżuri adegwati biex jindirizzaw il-kumpaniji tal-isem (letterbox companies) u l-impjieg indipendenti fittizju, u definizzjoni aħjar ta’ bażi residenzjali u bażi temporanja għall-ħaddiema tat-trasport mobbli. Il-KESE jixtieq jara azzjoni koordinata mill-Istati Membri f’dan il-qasam.

10.   Proċedura

10.1.

Il-KESE jissuġġerixxi li jsir użu ta’ djalogu parteċipattiv meta titħejja verżjoni riveduta tal-Pjan Direzzjonali u jirreferi f’dan il-kuntest għall-Opinjoni tiegħu tal-11 ta’ Lulju 2012 dwar White Paper tat-Trasport: lejn adeżjoni u impenn tas-soċjetà ċivili (21).

Brussell, it-22 ta’ April 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Opinjoni tal-KESE dwar “Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport (White Paper)”, ĠU C 24, 28.1.2012, p. 146.

(2)  Opinjoni tal-KESE dwar “Ir-Raba’ Pakkett Ferrovjarju”, ĠU C 327, 12.11.2013, p. 122.

(3)  Ara n-nota Nru 1 f’qiegħ il-paġna.

(4)  Opinjoni tal-KESE dwar White Paper tat-Trasport: lejn adeżjoni u impenn tas-soċjetà ċivili, ĠU C 299, 4.10.2012, p. 170.

(5)  Ara n-nota Nru 1 f’qiegħ il-paġna.

(6)  Ara n-nota Nru 1 f’qiegħ il-paġna, b’mod partikolari l-punti 1.4, 1.5, 1.6, 1.7, 1.8, 1.11, 1.12 u 3.15 tal-Opinjoni msemmija fiha.

(7)  Regolament (UE) Nru 1315/2013.

(8)  Regolament (UE) Nru 1316/2013.

(9)  COM(2014) 910 final.

(10)  Fuljett tal-Kummissjoni Ewropea: Comprendre la politique européenne – Transports, p. 2.

(11)  COM(2007) 642 final.

(12)  Opinjoni tal-KESE dwar “Futur sostenibbli għat-trasport/il-Politika Ewropea tat-Trasport wara l-2010”, ĠU C 255, 22.9.2010, p. 110

(13)  Ara n-nota Nru 1 f’qiegħ il-paġna.

(14)  Ara n-nota Nru 1 f’qiegħ il-paġna, b’mod partikolari l-punti 1.11, 1.12 u 4.29 tal-Opinjoni msemmija fiha.

(15)  COM(2013) 913. Opinjoni tal-KESE dwar “Il-mobilità urbana kompetittiva u effiċjenti fir-riżorsi”, ĠU C 424, 26.11.2014, p. 58.

(16)  Ara n-nota Nru 1 f’qiegħ il-paġna.

(17)  COM(2011) 898. L-Opinjoni tal-KESE dwar “Id-drittijiet tal-passiġġieri f’kull tip ta’ mezz ta’ trasport”, ĠU C 229, 31.7.2012, p. 122.

(18)  COM(2014) 221 – 2014/0124 COD.

(19)  COM(2014) 222 final.

(20)  Opinjoni tal-KESE dwar “Ix-xogħol mhux iddikjarat/pjattaforma Ewropea”, ĠU C 458, 19.12.2014, p. 43.

(21)  Ara n-nota Nru 4 f’qiegħ il-paġna.


4.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 291/21


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rwol tas-soċjetà ċivili fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Albanija”

(opinjoni esploratorja)

(2015/C 291/04)

Relatur:

is-Sur SIBIAN

F'ittra mill-Kummissarju Šefčovič tal-4 ta' Settembru 2014, il-Kummissjoni Ewropea, b'konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat u l-Artikolu 9 tal-Protokoll ta' Kooperazzjoni bejn il-KESE u l-Kummissjoni Ewropea, talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew biex iħejji opinjoni esploratorja dwar

Ir-rwol tas-soċjetà ċivili fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Albanija

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-27 ta' Marzu 2015.

Matul il-507 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-22 u t-23 ta' April 2015 (seduta tat-22 ta' April 2015), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'136 vot favur, 2 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi li l-Albanija qed tagħmel biex tilħaq l-istandards Ewropej permezz tal-promozzjoni ta' riformi demokratiċi u jilqa' d-deċiżjoni tal-UE fis-27 ta' Ġunju 2014 biex il-pajjiż jingħata l-istatus ta' pajjiż kandidat. Madankollu, huwa jenfasizza l-importanza ta' approċċ aktar trasparenti u inklużiv lejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (CSOs), inklużi l-imsieħba soċjali, fl-istadji kollha tal-proċess ta' adeżjoni.

1.2

Il-kunsens nazzjonali dwar l-integrazzjoni tal-Albanija huwa rikonoxxut, iżda l-momentum pożittiv tal-2014 għandu jiġi kapitalizzat u segwit minn appoġġ konsistenti għar-riformi. Il-KESE jħeġġeġ lill-gvern u l-partiti politiċi fl-oppożizzjoni biex isegwu djalogu kostruttiv u sostenibbli. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li għandhom aktar esperjenza għandhom ikunu involuti fil-promozzjoni ta' kultura ta' djalogu u s-sensibilizzazzjoni dwar ir-responsabbiltà tal-partiti politiċi lejn il-kostitwenzi tagħhom b'rabta mal-ħtieġa li jitrawwem kunsens fost il-partiti dwar riformi u li jiġu promossi l-integrità u t-trasparenza.

1.3

L-istrutturi u mekkaniżmi għall-appoġġ tad-djalogu ċivili u soċjali fl-Albanija għandhom jissaħħu, u għandu jiġi żgurat appoġġ istituzzjonali għall-partijiet interessati involuti abbażi ta' finanzjament nazzjonali u skemi ta' finanzjament tal-UE.

1.4

L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jiżguraw l-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi l-imsieħba soċjali, fil-gruppi ta' ħidma/ta' esperti kollha rilevanti għall-proċess ta' integrazzjoni fid-dawl tal-għarfien espert tagħhom f'oqsma ewlenin: ir-riforma ġudizzjarja, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, ir-riformi tas-suq tax-xogħol, il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u l-intraprenditorija soċjali, eċċ.

1.5

Ir-rapporti ta' progress tal-KE għandhom ikopru l-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi l-imsieħba soċjali, fil-proċess ta' adeżjoni permezz ta' analiżi aktar fil-fond tal-miri u l-kisbiet, u skont il-Linji Gwida tad-DĠ għall-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir għall-appoġġ tal-UE għas-soċjetà ċivili 2014-2020 u l-Linji Gwida tad-DĠ għall-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir għall-appoġġ tal-UE għal-libertà u l-integrità tal-midja 2014-2020. Il-valutazzjoni tad-drittijiet tat-trejdjunjins u d-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema għandha ssir f''konsultazzjoni mill-qrib mat-trejdjunjins nazzjonali u dawk Ewropej u mal-ILO.

1.6

Il-KESE jenfasizza l-importanza tad-djalogu soċjali u jappella lill-partijiet interessati kollha biex jagħmlu l-aħjar użu mill-istituzzjonijiet attwali, speċjalment il-Kunsill Nazzjonali tax-Xogħol. Huwa jappella lill-gvern biex ikompli jippromovi l-Kunsill Nazzjonali tax-Xogħol u jikkonsulta miegħu b'mod aktar sistematiku dwar il-politiki kollha li fihom il-ħaddiema u l-impjegaturi għandhom interess leġittimu. Id-djalogu soċjali għandu jitħeġġeġ aktar fil-livell reġjonali kif ukoll f'dak lokali. Il-KESE jqis li d-djalogu soċjali għandu jkun regolari u strutturat u mhux ad hoc, u li għandu jkun aktar effettiv u mmirat lejn ir-riżultati.

1.7

Il-KESE jitlob li l-promozzjoni tad-djalogu soċjali tkun fost il-prijoritajiet ewlenin tal-istituzzjonijiet tal-UE fir-rigward tal-Albanija u għalhekk għandha tiġi riflessa fil-programmi kollha tal-KE disponibbli għall-pajjiż. Dan ikun jirrikjedi involviment akbar tal-Kunsill Nazzjonali tax-Xogħol, li għandu wkoll jiġi involut u kkonsultat b'mod formali f'kull stadju tan-negozjati tal-adeżjoni u għandu jiġi involut fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Albanija. Il-Kunsill Nazzjonali tax-Xogħol għandu jkun jista' jressaq kummenti u opinjonijiet għall-attenzjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE huma u jivvalutaw il-progress tal-Albanija fl-adeżjoni mal-UE.

1.8

Il-KESE jqis li t-tisħiħ tal-kapaċità tal-imsieħba soċjali biex jipparteċipaw b'mod attiv fid-djalogu soċjali għandu jkun prijorità ewlenija tal-programmi ta' għajnuna tal-UE. L-assistenza hija meħtieġa biex jiżviluppaw l-abbiltà tagħhom li jipparteċipaw b'mod effikaċi fil-kwistjonijiet ekonomiċi, soċjali u legali kollha, inkluż fin-negozjati tal-adeżjoni mal-UE. L-istrutturi organizzattivi tagħhom, il-komunikazzjoni interna u l-kapaċità li jservu lill-membri għandhom jissaħħu.

1.9

Il-KESE jappella lill-gvern Albaniż biex jistabbilixxi strateġija komprensiva biex l-ekonomija informali tiġi miġġielda u mrażżna. Dan itejjeb il-qagħda finanzjarja tal-pajjiż, jipprevjeni l-kompetizzjoni inġusta u b'hekk joħloq ambjent ekonomiku aħjar, filwaqt li jiġi garantit rispett akbar għad-drittijiet soċjali tal-ħaddiema.

1.10

Il-KESE jħeġġeġ bil-qawwa lill-gvern Albaniż biex jieħu impenn favur skeda ta' żmien aktar speċifika u prevedibbli, u allokazzjoni ta' riżorsi għall-implimentazzjoni tal-miżuri mill-Pjan direzzjonali għal politika tal-gvern Albaniż favur ambjent aktar abilitanti għall-iżvilupp tas-soċjetà ċivili, u biex jitħaffef il-pass tat-twaqqif tal-Kunsill Nazzjonali għas-Soċjetà Ċivili.

1.11

Il-funzjonament effiċjenti tal-Kunsill Nazzjonali tax-Xogħol għandu jingħata aktar appoġġ, bit-tkomplija ta' laqgħat regolari dwar kwistjonijiet rilevanti għax-xogħol u n-negozju. Il-KESE jirrakkomanda l-iżvilupp tal-Kunsill Nazzjonali tax-Xogħol f'kunsill ekonomiku u soċjali ġenwin, li jixbah lil tal-Istati Membri tal-UE, sabiex jirrifletti aħjar in-natura tripartitika tiegħu.

1.12

Il-KESE jirrakkomanda li jitwaqqaf Kumitat Konsultattiv Konġunt tas-Soċjetà Ċivili UE-Albanija, ladarba jinfetħu formalment in-negozjati dwar l-adeżjoni tal-Albanija fl-UE. Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt jippermetti lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili miż-żewġ naħat biex jieħdu sehem fi djalogu aktar fil-fond u jipprovdu kontribut lill-awtoritajiet politiċi dwar il-kapitoli tan-negozjati tal-adeżjoni.

1.13

Il-kriterji tal-għażla tal-membri tal-Kunsill Nazzjonali għas-Soċjetà Ċivili għandhom ikunu definiti b'mod ċar f'dispożizzjonijiet legali, u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom jingħataw appoġġ biex jistabbilixxu l-mekkaniżmu trasparenti tagħhom għall-ħatra tar-rappreżentanti tagħhom. Ir-rwol tal-Kunsill Nazzjonali għas-Soċjetà Ċivili għandu jkun kompatibbli ma' strutturi governattivi oħra (1) maħsuba biex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-involviment tagħhom, sabiex tiġi żgurata l-komplementarjetà u tiġi evitata t-tneħħija ta' responsabbiltajiet jew riżorsi.

1.14

Il-liġijiet u r-regolamenti li għadhom kif ġew adottati (bħal-Liġi dwar l-aċċess għal informazzjoni, il-Liġi dwar in-notifika u l-konsultazzjoni, u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri Nru 953 dwar il-VAT għal organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ) għandhom jiġu promossi aħjar, u għandhom jintużaw mekkaniżmi biex jiżguraw li jintlaħqu l-għanijiet definiti tagħhom. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom ikunu involuti b'mod konsistenti fis-sensibilizzazzjoni dwar dispożizzjonijiet legali, b'ħidma favur proċessi konsultattivi effettivi u fl-istess ħin b'monitoraġġ tal-osservanza tar-rekwiżiti legali.

1.15

It-trasparenza u l-evitar ta' konflitti ta' interessi għandhom jiġu promossi permezz ta':

l-introduzzjoni ta' proċeduri u standards komuni għall-ġestjoni u l-allokazzjoni ta' fondi pubbliċi, fil-livelli kollha (kemm ċentrali kif ukoll lokali);

it-tisħiħ tal-governanza interna u l-proċeduri ta' ħidma tal-Aġenzija ta' Appoġġ għas-Soċjetà Ċivili, filwaqt li jitqiesu l-mandat tagħha, l-aspettattivi ta' dan is-settur, u l-bżonn tiegħu li jinteraġixxi mal-istrutturi l-oħra kollha maħsubin biex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni u l-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet, u b'mod partikolari l-proċess ta' integrazzjoni;

L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili nnifishom qed itejbu d-dehra tagħhom u jinkoraġġixxu s-sħubija, l-involviment ċiviku u l-volontarjat.

1.16

Sabiex jiġu żgurati l-vijabilità u s-sostenibbiltà finanzjarja tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-KESE jirrakkomanda li tingħata attenzjoni partikolari dwar:

it-tibdil fil-qafas legali biex jinkoraġġixxi d-donazzjonijiet (għandhom jiġu kkunsidrati inċentivi fiskali) u jitrawwem l-iżvilupp tar-responsabilità soċjali korporattiva, flimkien ma' azzjonijiet ta' sensibilizzazzjoni u l-iżvilupp tal-kapaċità tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex iħajru lis-settur privat;

l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom jiġu mgħarrfa dwar dispożizzjonijiet fiskali ġodda, b'mod partikolari dwar il-VAT kif introdotti f'Diċembru 2014, u għandhom jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tagħhom biex jivvalutaw il-benefiċċji u jinkoraġġixxu l-NGOs jiżviluppaw aktar attivitajiet ekonomiċi u ta' ġbir ta' fondi;

l-applikazzjoni ta' standards kwalitattivi minimi u proċeduri fl-amministrazzjoni u l-allokazzjoni tal-fondi pubbliċi kollha għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inkluż fil-livell lokali, sabiex jiġu żgurati aċċess indaqs, in-nondiskriminazzjoni u t-trasparenza;

it-tisħiħ tal-Aġenzija ta' Appoġġ għas-Soċjetà Ċivili f'termini ta' riżorsi u proċeduri disponibbli (trasparenza tar-regoli ta' finanzjament u l-użu tar-riżorsi, it-titjib tad-dehra pubblika tagħha u l-indipendenza minn kull influwenza politika jew interrogazzjonijiet potenzjali dwar konflitti ta' interess); il-finanzjament nazzjonali għandu joffri appoġġ istituzzjonali aħjar għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi l-imsieħba soċjali, kif ukoll komunikazzjoni aħjar ma' komunitajiet iżgħar u żoni remoti;

it-tisħiħ tal-kapaċità u l-għoti tas-setgħa lil dawk l-organizzazzjonijiet lokali li japplikaw standards ta' trasparenza u etika, joperaw b'mod indipendenti, u jsegwu riżultati fit-tul u viżjoni strateġika, bħala amministraturi potenzjali tal-għajnuna tal-UE fil-każ ta' ġestjoni deċentralizzata tal-fondi;

l-introduzzjoni ta' mekkaniżmu adatt li jippermetti lill-gvern biex ifassal, iwettaq u jevalwa s-servizzi soċjali pubbliċi f'kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Il-gvern ikun jista' jikkuntrattja servizzi offruti mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jikkomplementaw dawk offruti mill-awtoritajiet pubbliċi, filwaqt li jieħu kont tar-riformi li jkunu għaddejjin fil-kura soċjali u l-gvern lokali. It-tisħiħ tal-kapaċità għandu jkopri ż-żewġ naħat: l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-iżvilupp u l-applikazzjoni ta' standards nazzjonali rikonoxxuti għall-għoti tas-servizzi u l-gvern lokali fil-ħolqien ta' fiduċja u kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-iżvilupp ta' proċeduri adatti biex tiġi żgurata allokazzjoni trasparenti ta' fondi.

2.   Kuntest

2.1

L-Albanija kienet identifikata bħala kandidat potenzjali għas-sħubija fl-UE waqt is-Summit tal-Kunsill Ewropew ta' Tessalonika f'Ġunju 2003. L-Albanija bbenefikat mill-miżuri kummerċjali awtonomi tal-UE sa mill-2000, flimkien ma' preferenzi kummerċjali addizzjonali mogħtija taħt il-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) ffirmat fl-2006. L-Albanija ppreżentat l-applikazzjoni tagħha għal sħubija fl-UE fl-2009.

2.2

Il-ħames prijoritajiet ewlenin biex jinfetħu n-negozjati tal-adeżjoni ġew enfasizzati mill-KE fir-Rapport ta' Progress tal-2013: ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika; l-indipendenza, l-effiċjenza u r-responsabbiltà tal-ġudikatura; il-ġlieda kontra l-korruzzjoni; il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata; u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem (inkluż il-protezzjoni tar-Rom, il-politiki kontra d-diskriminazzjoni, u l-implimentazzjoni tad-drittijiet ta' proprjetà). Il-pjan direzzjonali tal-gvern dwar il-ħames prijoritajiet ewlenin ġie adottat f'Mejju 2014.

2.3

F'Novembru 2013, il-parlament tal-Albanija ħareġ riżoluzzjoni dwar l-adeżjoni tal-pajjiż mal-UE, u approva għadd ta' miżuri rilevanti għall-integrazzjoni tal-UE. Il-Kumitat Parlamentari dwar l-Integrazzjoni Ewropea mmonitorja l-pjan direzzjonali tal-gvern dwar il-ħames prijoritajiet ewlenin u eżerċita wkoll ir-rwol ta' sorveljanza tiegħu permezz ta' seduti ta' smigħ mal-Ministru għall-Integrazzjoni Ewropea.

2.4

Il-konferma tal-appoġġ tal-gvern u tal-parlament tal-Albanija favur il-proċess ta' integrazzjoni tal-UE kkontribwixxiet b'mod sinifikanti biex l-Albanija tingħata l-istatus ta' kandidat għal sħubija fl-UE fis-27 ta' Ġunju 2014.

2.5

Madankollu, it-tieni nofs tal-2014 kien ikkaratterizzat minn klima politika konfrontattiva li xekklet il-progress dwar ir-riformi u l-implimentazzjoni effettiva tal-miżuri li ttieħdu bil-ħsieb tal-adeżjoni tal-Albanija. F'Diċembru 2014, ftehim bejn il-gvern u l-oppożizzjoni, appoġġjat mill-Parlament Ewropew, witta t-triq biex id-djalogu politiku fil-parlament jiġi stabbilit mill-ġdid.

2.6

Djalogu ta' Livell Għoli dwar il-prijoritajiet ewlenin tnieda f'Novembru 2013, bħala għodda għall-organizzazzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Albanija u biex jgħin lill-pajjiż iżomm l-attenzjoni u l-kunsens dwar l-integrazzjoni tal-UE. It-twaqqif ta' Gruppi ta' Ħidma Konġunti bejn l-Albanija u l-KE f'Settembru 2014, dwar il-prijoritajiet ewlenin, għandu jġib konsistenza fil-monitoraġġ tal-progress tar-riformi u jippromovi l-inklużività fid-dibattiti u l-aċċess għal għarfien espert u informazzjoni kwalitattiva.

2.7

Il-leġislazzjoni dwar it-twaqqif tal-Kunsill Nazzjonali għall-Integrazzjoni Ewropea ġiet adottata kmieni f'Marzu 2015. Huwa importanti li dan il-mekkaniżmu ta' konsultazzjoni jsir operattiv u inklużiv, filwaqt li jiġi żgurat li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jiġu rappreżentati fil-Kunsill, inklużi l-imsieħba soċjali, jkunu rappreżentattivi u magħżula b'mod trasparenti.

3.   Żviluppi politiċi, ekonomiċi u soċjali

3.1

L-Albanija żammet stabbiltà makroekonomika matul is-snin tal-kriżi globali finanzjarja u ekonomika, iżda xorta għadha qed taffaċċja sfidi sinifikanti. Il-problemi ekonomiċi ewlenin jibqgħu l-livell għoli ta' qgħad (18,3 % fl-ewwel kwart tal-2014) u l-prevalenza ta' impjieg informali (75 %), li jipperikolaw l-ekonomija b'mod ġeneral, idgħajfu l-baġit tal-istat u jħallu lill-ħaddiema mingħajr protezzjoni soċjali. Kważi żagħżugħ wieħed minn kull tlieta huwa bla xogħol. Dawn il-problemi, kif ukoll il-korruzzjoni, huma l-fatturi ewlenin li jġiegħlu lill-Albaniżi jemigraw. Peress li l-Albaniżi setgħu jivvjaġġaw barra mill-pajjiż, terz tal-popolazzjoni emigraw lejn pajjiżi oħra.

3.2

L-agrikoltura tkopri 19,5 % tal-PDG u għadha l-akbar fornitur ta' impjiegi (44,6 % tat-total ta' impjiegi fl-2013). 98,2 % tat-3 03  802 azjendi agrikoli fl-Albanija huma rziezet tal-familja, bi produttività baxxa ħafna. L-investiment fl-agrikoltura għadu mxekkel minn nuqqas ta' ċarezza fir-rigward tal-jeddijiet fuq is-sjieda tal-art.

3.3

L-Albanija rratifikat 80 trattat u konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa (KtE). Madankollu, l-aħħar rapport tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa (2) jenfasizza l-problema ta' livell għoli ta' korruzzjoni fil-ġudikatura, il-pass kajman tal-implimentazzjoni tas-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, u nuqqasijiet fil-leġislazzjoni dwar l-għajnuna legali, li qed ixekklu l-aċċess effettiv għall-ġustizzja, speċjalment għal persuni vulnerabbli.

3.4

L-Albanija rratifikat 53 konvenzjoni tal-ILO (46 minnhom huma fis-seħħ), inkluż il-konvenzjonijiet ewlenin u fundamentali kollha. Madankollu, il-Kumitat ta' Esperti dwar l-Applikazzjoni tal-Konvenzjonijiet u r-Rakkomandazzjonijiet (CEACR) ġibed l-attenzjoni dwar ħafna nuqqasijiet fl-implimentazzjoni. L-osservazzjoni tal-2014 tindirizza t-traffikar ta' tfal għal sfruttament tax-xogħol jew sfruttament sesswali bħala kwistjoni ta' tħassib, minkejja l-isforzi li saru mill-awtoritajiet nazzjonali biex jippromovu miżuri leġislattivi differenti.

3.5

Il-KESE huwa tal-fehma li l-Albanija hija pajjiż multikulturali u multireliġjuż fejn id-drittijiet kulturali, reliġjużi u tal-minoranzi huma protetti, u għandu jsir kull sforz biex jitħarsu dawn il-kwalitajiet. Ir-relazzjonijiet interetniċi sejrin tajjeb, iżda għad hemm bżonn ta' titjib fil-leġislazzjoni dwar id-drittijiet tal-minoranzi. Il-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali jew Minoritarji għad trid tiġi adottata. Il-KESE jilmenta dwar l-irregolaritajiet osservati mill-Kumitat Konsultattiv tal-Kunsill tal-Ewropa matul iċ-ċensiment tal-2011 b'rabta mal-mistoqsijiet fakultattivi dwar in-nazzjonalità u r-reliġjon. Il-KESE għalhekk jitlob lill-awtoritajiet Albaniżi biex ma jserrħux biss fuq din id-data meta jiġu biex ifasslu l-politiki tal-pajjiż.

3.6

Ir-Rom u l-persuni Eġizzjani għadhom iħabbtu wiċċhom ma' kondizzjonijiet ta' għajxien diffiċli ħafna u esklużjoni soċjali u diskriminazzjoni frekwenti, b'mod partikolari rigward l-aċċess għall-kura tas-saħħa, il-protezzjoni soċjali, l-edukazzjoni, l-impjieg u l-akkomodazzjoni.

3.7

Il-qafas legali u istituzzjonali kontra d-diskriminazzjoni tjieb, prinċipalment minħabba l-adozzjoni tal-liġi dwar il-protezzjoni mid-diskriminazzjoni u l-ħatra tal-Kummissarju għall-Protezzjoni mid-Diskriminazzjoni fl-2010. In-numru dejjem jikber ta' rakkomandazzjonijiet tal-Kummissarju għandhom jiġu segwiti, filwaqt li jiġu allokati riżorsi għas-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar l-eżistenza tal-liġi u l-mekkaniżmu rispettiv għat-tressiq ta' lmenti.

3.8

L-Uffiċċju tal-Ombudsman ipparteċipa b'mod attiv fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, u l-attività tiegħu hija apprezzata. Għalhekk, l-awtoritajiet Albaniżi għandhom jiżguraw aktar appoġġ politiku u finanzjarju, sabiex l-Uffiċċju jkun jista' jkompli jaqdi d-dmirijiet tiegħu b'mod effettiv, filwaqt li jinżammu l-indipendenza tiegħu u l-libertà mill-influwenzi politiċi. Is-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman għandu jittejjeb, inkluż dwar l-aħħar rakkomandazzjoni marbuta mar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, li wasslet għal żieda fin-numru ta' lmenti relatati mat-tneħħija ta' impjiegi minn istituzzjonijiet pubbliċi (3).

3.9

L-isforzi relatati mar-rappreżentanza femminili fil-livell ċentrali (sitt ministri nisa minn 19, madwar 17 % membri parlamentari huma nisa) u l-qafas stabbilit biex tiġi indirizzata l-vjolenza domestika huma apprezzati. Madankollu, hemm bżonn aktar ħidma biex jinħoloq ambjent li jippermetti li n-nisa javvanzaw f'postijiet politiċi u pubbliċi, sabiex jitneħħew id-dispożizzjonijiet li fadal dwar id-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru f'atti leġislattivi, prinċipalment id-differenza fil-pagi skont il-ġeneru jew l-aċċess għall-intraprenditorija u l-kreditu.

3.10

L-adozzjoni tal-Istrateġija nazzjonali dwar l-impjiegi u l-ħiliet 2014-2020 hi ta' min ifaħħarha, iżda hemm bżonn sforzi kontinwi biex jintlaħaq progress bil-miżuri ppjanati u jiġu żgurati fondi għall-implimentazzjoni tagħha, inkluż l-użu effettiv tal-fondi allokati mill-IPA II (EUR 30 miljun).

4.   L-istat attwali u r-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili

4.1

Il-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni hija dritt kostituzzjonali u ġeneralment tiġi rispettata. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jirrikonoxxu u jeżerċitaw il-libertà tal-espressjoni tagħhom mingħajr indħil. Madankollu, il-libertà tal-midja ser tibqa' sfida sakemm ma jiġux indirizzati t-trasparenza tal-finanzjament tagħha u l-indħil minn interessi politiċi u ekonomiċi. L-implimentazzjoni tal-Liġi dwar il-midja awdjoviżiva għandha titħaffef u l-indipendenza tar-regolatur tal-midja (Awtorità tal-Midja Awdjoviżiva) għandha tiġi ggarantita fil-prattika.

4.2

Is-settur tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Albaniżi għadu frammentat u relattivament sottożviluppat. Għad m'hemm l-ebda ċifri uffiċjali affidabbli dwar l-għadd totali ta' NGOs irreġistrati (4), u saħansitra inqas dwar dawk attivi (5). Abbażi taċ-ċifri tal-INSTAT tal-2013, hemm 2  110 NGO u organizzazzjonijiet internazzjonali rreġistrati. Abbażi tal-istimi ta' TACSO (2011), minn bejn wieħed u ieħor 3  000 organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili rreġistrati, madwar 450 kienu attivi.

4.3

L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma l-aktar rappreżentati fil-bliet il-kbar, primarjament f'Tirana, u huma inqas rappreżentati f'distretti jew żoni rurali remoti. L-involviment tal-organizzazzjonijiet lokali, b'mod partikolari barra mill-belt kapitali, jibqa' sfida li għad trid tiġi indirizzata bħala prijorità prinċipali għall-għajnuna finanzjarja kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq livell tal-UE, jiġifieri l-promozzjoni tal-użu ta' appoġġ istituzzjonali fl-iskemi ta' appoġġ finanzjarju nazzjonali favur l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-iżvilupp ta' ċentru ta' riżorsi jew NGOs lokali affidabbli ffukati fuq it-tisħiħ tal-komunitajiet, l-appoġġ għal proċessi parteċipattivi li jindirizzaw kwistjonijiet komunitarji lokali, u il-promozzjoni tal-valuri tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-volontarjat.

4.4

Sa ċertu punt, l-oqsma li fihom l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Albaniżi huma attivi ġew influwenzati minn strateġiji u prijoritajiet ta' finanzjament ta' donaturi. Għall-ewwel, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili aktar irnexxielhom jagħtu servizzi lil gruppi vulnerabbli, fl-edukazzjoni, u fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tan-nisa, filwaqt li f'dawn l-aħħar snin saret aktar viżibbli u effettiva l-enfasi fuq il-promozzjoni permezz ta' gruppi ċiviċi, gruppi ta' riflessjoni u organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem b'rabta mat-traffikar tal-bnedmin, is-sistema tal-ħabs, l-ambjent, id-drittijiet tat-tfal, l-inklużjoni soċjali u t-tnaqqis tal-faqar, il-vjolenza domestika, il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u d-drittijiet tal-LGBT. L-involviment attiv u professjonali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-monitoraġġ tal-impenji tal-gvern f'oqsma ewlenin għall-adeżjoni mal-UE, jiġifieri, ir-riforma ġudizzjarja, ir-riforma tal-amministrazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja pubblika u l-finanzjament pubbliku trasparenti, għandhom jiġu appoġġjati aktar, anke permezz tal-għoti ta' assistenza tal-UE lill-pajjiż.

4.5

Il-preżenza ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili f'oqsma kruċjali tal-ħajja pubblika, fejn dawn issa jipparteċipaw b'mod proattiv fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet u t-tfassil ta' politiki, wassal għal numru ta' suċċessi fir-rigward tal-iżvilupp ta' strateġiji nazzjonali u leġislazzjoni li jaffettwaw l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Il-koalizzjonijiet u l-ħolqien ta' netwerks għandhom jiġu appoġġjati aktar bħala mezz biex tiżdied l-integrazzjoni settorjali, biex isaħħħu l-vuċi fid-djalogu ċiviku u soċjali, u jsiru sieħeb aktar b'saħħtu għall-korpi pubbliċi u għas-settur privat.

4.6

Minkejja n-nuqqas ta' rikonoxximent legali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Albaniżi ħadmu għat-twaqqif ta' intrapriżi soċjali. L-għadd tagħhom huwa żgħir, iżda l-politiki pubbliċi għandhom jirrikonoxxu u jappoġġjaw il-promozzjoni u l-iżvilupp tal-intraprenditorija soċjali, kif sostnuta mil-livell taċ-ċittadini. L-intrapriżi soċjali jġibu magħhom valur miżjud fil-ħolqien ta' impjiegi għal persuni żvantaġġati u għandhom il-kapaċità li jipprovdu soluzzjonijiet innovattivi għall-bżonnijiet soċjali u jużaw aħjar il-potenzjal tal-komunitajiet lokali.

4.7

L-adozzjoni reċenti tal-liġi l-ġdida dwar l-aċċess għall-informazzjoni (Settembru 2014) u l-liġi l-ġdida dwar in-notifika u l-konsultazzjoni (Ottubru 2014) huma żviluppi pożittivi li għandhom jiġu mmonitorjati mill-qrib sabiex jiġi żgurat li jkunu akkumpanjati minn strutturi u mekkaniżmi rilevanti favur proċessi sistematiċi u trasparenti fil-konsultazzjoni u d-djalogu bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Il-ħidma preparatorja sostantiva dwar il-liġi għall-protezzjoni tal-informaturi hija rikonoxxuta u, qabel l-adozzjoni, din għandha tikkunsidra bir-reqqa l-kapaċità amministrattiva għall-implimentazzjoni u s-sensibilizzazzjoni rigward dispożizzjonijiet speċifiċi.

4.8

Il-KESE japprezza t-titjib li ġie nnutat fil-kooperazzjoni bejn il-korpi pubbliċi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u jilqa' b'sodisfazzjon id-dibattitu pubbliku li għaddej bħalissa dwar il-Pjan direzzjonali għal politika tal-gvern Albaniż favur ambjent aktar abilitanti għall-iżvilupp tas-soċjetà ċivili. Il-pjan direzzjonali jiffoka fuq disa' oqsma prijoritarji li jikkunsidraw l-għanijiet stabbiliti fil-Linji Gwida għall-Appoġġ tal-UE għas-Soċjetà Ċivili 2014-2020, li għandhom jiġu riveduti sabiex jindirizzaw aħjar l-isfidi speċifiċi li qed jiffaċċjaw l-imsieħba soċjali fil-kuntest tad-djalogu soċjali.

4.9

Fid-29 ta' April 2014, il-gvern approva l-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali għall-2014-2016, taħt is-Sħubija ta' Gvern Miftuħ (OGP – Open Government Partnership). Minbarra li jintlaħqu l-punti ta' riferiment fil-Pjan ta' Azzjoni, huwa importanti li jiżdiedu l-isforzi biex titqajjem kuxjenza dwar l-għanijiet u l-valuri tal-OGP, b'mod partikolari fil-livell lokali. Il-kooperazzjoni tal-Koalizzjoni tal-Oganizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili mal-OGP u l-kontibut tagħha għandhom jitkomplew.

4.10

Kemm il-gvern kif ukoll l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili identifikaw, bħala prijoritajiet, il-bżonn li jitwaqqaf Kunsill Nazzjonali għas-Soċjetà Ċivili, korp konsultattiv li jippermetti djalogu regolari bejn il-gvern u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u l-bżonn li tiġi żviluppata strateġija nazzjonali għall-ħolqien ta' ambjent abilitanti għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

4.11

Ma jistax ikun hemm soċjetà ċivili sostenibbli u attiva mingħajr ma jkun hemm kultura qawwija tal-volontarjat, li għadu mhux rappreżentat tajjeb fl-Albanija. Huwa importanti li jerġgħu jibdew id-diskussjonijiet dwar il-promozzjoni ta' liġi dwar il-volontarjat, flimkien ma' miżuri ċentrali għas-sensibilizzazzjoni dwar il-benefiċċji tal-parteċipazzjoni ċivika u l-inkoraġġiment biex il-pubbliku ġenerali jipparteċipa fil-volontarjat.

5.   Id-djalogu soċjali u l-organizzazzjonijiet tal-imsieħba soċjali

5.1

Id-djalogu soċjali huwa essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku u biex jiżgura l-koeżjoni soċjali li l-Albanija teħtieġ. Il-pjattaforma istituzzjonali prinċipali għad-djalogu tripartitiku huwa l-Kunsill Nazzjonali tax-Xogħol li twaqqaf fl-1996 u fl-2014 kellu erba' laqgħat dwar suġġetti speċifiċi. Il-Kunsill hu magħmul minn seba' rappreżentanti tal-Kunsill tal-Ministri u għaxar rappreżentanti minn organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u tal-ħaddiema, f'konformità ma' ftit mill-kriterji tar-rappreżentanza definiti fl-istandards tal-ILO, li għadhom qed jiġu diskussi mill-imsieħba soċjali. Fil-livell lokali, id-djalogu tripartitiku żviluppa fil-qasam tal-impjieg permezz tal-uffiċċji tal-kunsilli lokali u l-uffiċċji lokali tal-impjieg. Il-gvern u l-imsieħba soċjali qed jiddiskutu l-possibbiltà li jitwaqqaf kunsill ekonomiku u soċjali bħal f'pajjiżi oħra, sabiex jindirizza aħjar il-kwistjonijiet ekonomiċi.

5.2

Hemm 83 trejdjunjin stabbiliti u li joperaw fl-Albanija. Il-parti l-kbira minnhom huma membri ta' żewġ konfederazzjonijiet, filwaqt li l-bqija huma indipendenti. L-akbar u l-aktar żewġ konfederazzjonijiet influwenti huma l-Konfederazzjoni tat-Trejdjunjins tal-Albanija (KSSH) b'1 10  000 membru, u l-Assoċjazzjoni tat-Trejdjunjins Indipendenti tal-Albanija (BSPSH) b'84  000 membru, li huma rappreżentati fil-Kunsill Nazzjonali tax-Xogħol, b'ħames membri. Filwaqt li jirrappreżentaw madwar 90 % tas-sħubijiet fi trejdjunjins fl-Albanija, il-KSSH u l-BSPSH huma preżenti fi 12-il reġjun u huma l-aktar attivi fis-setturi tal-edukazzjoni u x-xjenza, is-servizz ċivili, il-pensjonijiet, l-industrija, l-agrikoltura, l-industrija alimentari, is-saħħa pubblika, it-trasport, iż-żejt, il-kostruzzjoni, it-tessuti, l-artiġjanat, il-kummerċ, il-metallurġija u l-industrija tal-kimika, u t-telekomunikazzjonijiet. It-tnejn huma membri tal-ITUC u osservaturi tal-ETUC. Ir-rwol tat-trejdjunjins fl-Albanija huwa essenzjali għat-tisħiħ tad-djalogu soċjali.

5.3

It-trejdjunjins kibru fis-settur pubbliku u fl-intrapriżi privatizzati (intrapriżi li qabel kienu tal-Istat), filwaqt li r-rappreżentanza tagħhom hija inqas fis-settur għal kollox privat. Matul l-2014, it-trejdjunjins intensifikaw l-attività tagħhom dwar il-ħarsien tal-impjegati u n-negozjar kollettiv, iżda għad ma rnexxilhomx jegħlbu d-differenzi ta' bejniethom. Ir-riformi interni biex it-trejdjunjins isiru aktar indipendenti mill-partiti politiċi għandhom ikunu prijorità.

5.4

Id-dialogu settorjali u bipartitiku għadu dgħajjef, l-aktar minħabba nuqqas ta' kultura ta' djalogu, u x-xettiċiżmu tal-impjegaturi lejn it-trejdjunjins. In-negozjar kollettiv huwa aktar żviluppat f'żoni urbani, speċjalment f'Tirana, Durres u Vlora, għax l-ikbar negozji huma kkonċentrati f'dawn il-bliet/iż-żoni.

5.5

L-Albanija għandha total ta' madwar 1 04  275 negozju attiv, li nofshom huma bbażati fil-kontej ta' Tirana u Durres. Fl-2012-2013, kien hemm madwar 30 organizzazzjoni ta' impjegaturi. “BiznesAlbania” twaqqfet fl-2010 bħala organizzazzjoni ċentrali ta' impjegaturi, b'24 assoċjazzjoni tan-negozju flimkien ma' għadd ta' kumpaniji individwali (aktar minn 30  000 impjegatur bħala membri ta' assoċjazzjonijiet). BiznesAlbania hija membru tal-Kunsill Ekonomiku Nazzjonali u l-Organizzazzjoni Internazzjonali ta' Impjegaturi (IOE). Atturi ewlenin oħra fid-djalogu soċjali, li huma rappreżentati fil-Kunsill Nazzjonali tax-Xogħol huma: il-Kunsill tal-Kummerċ Agrikolu Albaniż (KASH) bi 12-il kunsill reġjonali u 21 assoċjazzjoni nazzjonali bħala membri, u l-Kunsill tal-Organizzazzjonijiet ta' Impjegaturi tal-Albanija (KOSPH) b'14-il federazzjoni membru, li l-maġġoranza tagħhom huma attivi fil-livell nazzjonali.

5.6

Mill-1995 'l hawn, l-Unjoni tal-Kmamar tal-Kummerċ u l-Industrija tal-Albanija (70 membru) ħadmet bħala organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ li tipproteġi l-interessi tal-kummerċ u l-industrija madwar il-pajjiż kollu u li tagħti lill-gvern ċentrali ideat u proposti għall-promozzjoni tal-kummerċ u l-industrija. Barra minn hekk, din tikkoordina x-xogħol tal-Kmamar lokali u r-relazzjonijiet tagħhom ma' organizzazzjonijiet ekwivalenti f'pajjiżi oħra.

5.7

Bħala mekkaniżmu strutturat sabiex itejjeb id-djalogu tal-gvern mal-komunità tan-negozju, il-Kunsill Ekonomiku Nazzjonali twaqqaf bil-liġi fl-2014 (6). Il-Kunsill Ekonomiku Nazzjonali jiffaċilita l-proċessi ta' konsultazzjoni u għandu rwol konsultattiv għall-gvern dwar deċiżjonijiet u prattiki ta' politika ekonomika. Ir-regolarità tal-laqgħat tal-Kunsill Ekonomiku Nazzjonali hija apprezzata ferm, iżda għandhom isiru sforzi fuq iż-żewġ naħat biex titjieb l-effiċjenza tad-djalogu u l-kapaċità tal-Kunsill Ekonomiku Nazzjonali sabiex jissorvelja l-impenji tal-gvern lejn l-ambjent tan-negozju.

5.8

L-Albanija rratifikat it-tmien konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO dwar ix-xogħol, iżda sar biss progress moderat fil-qasam tad-drittijiet tax-xogħol u tat-trejdjunjins. Hemm oqsma ewlenin fejn jinħtieġ progress: it-tisħiħ tad-drittijiet tax-xogħol u tat-trejdjunjins, l-iżgurar li l-gvern ikun konformi u jiggarantixxi l-konformità mal-liġijiet tax-xogħol, u t-titjib fid-djalogu soċjali tripartitiku.

5.9

Il-kodiċi tax-xogħol emendat għad irid jiġi adottat u għad hemm diversi lakuni fir-rigward tal-konformità mal-istandards internazzjonali tax-xogħol. Id-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema għadhom jinkisru b'mod regolari fl-Albanija u l-mekkaniżmi għall-prevenzjoni u għas-sanzjoni tal-ksur mhumiex effettivi biżżejjed.

5.10

Huwa essenzjali li l-imsieħba soċjali jiġu integrati aktar fil-politiki ekonomiċi, soċjali u tal-impjieg tal-gvern, b'mod partikolari fid-dawl tan-negozjati dwar l-adeżjoni mal-UE. Għandhom jiġu involuti wkoll fit-tħejjijiet għall-eliġibbiltà tal-Albanija għall-Fond Soċjali Ewropew u għal fondi oħra tal-UE. Huwa biss ladarba jsir hekk li l-imsieħba soċjali tal-Albanija jkunu jistgħu jaqdu bis-sħiħ ir-rwol futur tagħhom fil-fora ta' demokrazija parteċipattiva fil-livell tal-UE.

5.11

Il-KESE jappoġġja l-enfasi fuq it-tkabbir u l-impjiegi fil-pakkett ta' għajnuna tal-IPA 2015 għall-Albanija u jirrakkomanda lill-KE biex tqis il-bżonnijiet speċifiċi tal-imsieħba soċjali fit-tħejjija ta' sejħiet futuri għal proposti. Barra minn hekk, l-imsieħba soċjali għandhom jiġu mħeġġa u, jekk possibbli mħarrġa, biex ikunu jistgħu jippreparaw aħjar u japplikaw għal proġetti eleġibbli għall-fondi Ewropej.

Brussell, it-22 ta' April 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  L-unità ta' koordinazzjoni tas-soċjetà ċivili fi ħdan il-Ministeru tal-Integrazzjoni Ewropea, l-Aġenzija ta' Appoġġ għas-Soċjetà Ċivili, l-unità ċentrali ta' koordinazzjoni ta' politika tas-soċjetà ċivili fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, l-unitajiet/persuni ta' kuntatt f'ministeri/korpi pubbliċi.

(2)  Rapport ta' Nils Muižnieks, Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa, wara ż-żjara tiegħu fl-Albanija mit-23 sas-27 ta' Settembru 2013.

(3)  Skont l-Uffiċċju, 2  337 impjegat minn 14-il ministeru tkeċċew mill-amministrazzjoni pubblika matul il-perjodu ta' Jannar sa Settembru 2014; total ta' 816-il impjegat li tkeċċew fetħu proċeduri fil-qorti amministrattiva (kemm taħt il-liġi dwar is-servizz pubbliku kif ukoll taħt il-kodiċi tax-xogħol) fil-livell reġjonali.

(4)  Il-Qorti tal-Prim' Istanza f'Tirana hija l-awtorità pubblika li għandha r-responsabilità unika għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, iżda l-ebda reġistru elettroniku mhuwa disponibbli pubblikament.

(5)  Il-Ministeru tal-Integrazzjoni Ewropea rreġistra 140 NGO għall-kooperazzjoni.

(6)  Il-Kunsill Ekonomiku Nazzjonali huwa ppresedut mill-Prim Ministru u jinkludi fost il-membri tiegħu l-akbar sitt kontributuri tat-taxxa mill-komunità tan-negozju, erba' organizzazzjonijiet tan-negozju, u sitt personalitajiet mill-ekonomija nazzjonali/dinjija.


4.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 291/29


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-awtoregolazzjoni u l-koregolazzjoni fil-qafas leġislattiv Komunitarju”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2015/C 291/05)

Relatur:

Jorge PEGADO LIZ

Nhar l-10 ta’ Lulju 2014, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

L-awtoregolazzjoni u l-koregolazzjoni fil-qafas leġislattiv Komunitarju (Opinjoni fuq inizjattiva proprja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Intern, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-31 ta’ Marzu 2015.

Matul il-507 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-22 u t-23 ta’ April 2015 (seduta tat-22 ta’ April 2015), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’117-il vot favur, 46 vot kontra u 9 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

L-awtoregolazzjoni u l-koregolazzjoni huma mekkaniżmi, spontanji jew imposti, għar-regolazzjoni tal-interessi ekonomiċi u soċjali u l-prattiki kummerċjali tal-operaturi ekonomiċi differenti (partijiet interessati).

1.2.

Għandhom jiġu kkunsidrati bħala strumenti komplementari jew supplimentari importanti, iżda qatt bħala alternattiva, għall-eteroregolazzjoni (liġi vinkolanti), ħlief jekk fl-“atti leġislattivi fundamentali” ma jkunx hemm bażi abilitanti adegwata.

1.3.

Din il-bażi legali abilitanti la teżisti fit-Trattati tal-UE u lanqas fil-kostituzzjonijiet tal-Istati Membri.

1.4.

Sabiex dawn l-istrumenti ta’ regolazzjoni jkunu strumenti validi u rikonoxxuti fi kwalunkwe sistema legali, il-konfigurazzjoni u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom iridu jkunu definiti minn dispożizzjonijiet espressi u espliċiti tal-liġi vinkolanti, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li jirrispettaw in-natura ta’ dawn l-istrumenti, b’mod partikolari l-ftehim volontarju tal-parteċipanti.

1.5.

Din ir-regolamentazzjoni għandha tiddefinixxi biċ-ċar il-parametri li fuqhom jissejsu r-rikonoxximent tagħhom u l-prinċipji li għandhom jirrispettaw, kif ukoll il-limiti tagħhom bħala strument sekondarju ta’ regolazzjoni fis-sistema legali inkwistjoni.

1.6.

Fost dawn il-prinċipji ta’ natura ġenerali li japplikaw kemm għall-awtoregolazzjoni kif ukoll għall-koregolazzjoni, indipendentement mis-setturi li fihom jiġu żviluppati u mingħajr ħsara għall-istabbiliment tar-rekwiżiti speċifiċi adattati għal każijiet partikolari, għandhom jiġu kkunsidrati dawn li ġejjin:

(a)

il-konformità mal-liġi tal-UE u l-liġi internazzjonali u l-ftehimiet kummerċjali internazzjonali;

(b)

it-trasparenza u l-pubbliċità;

(c)

ir-rappreżentanza tal-partijiet ikkonċernati;

(d)

il-konsultazzjoni minn qabel tal-partijiet direttament interessati;

(e)

il-valur miżjud għall-interess ġenerali;

(f)

in-nuqqas ta’ applikabbiltà;

meta d-definizzjoni tad-drittijiet fundamentali tkun fil-periklu;

jew f’sitwazzjonijiet fejn ir-regoli jkollhom jiġu applikati b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha;

(g)

ikunu suġġetti għall-kontroll tal-qrati Komunitarji u nazzjonali;

(h)

il-monitoraġġ tal-livell ta’ implimentazzjoni, skont kriterji oġġettivi u indikaturi affidabbli definiti bil-quddiem u stabbiliti skont is-setturi u l-għanijiet;

(i)

kontroll u segwitu tal-implimentazzjoni tagħhom permezz ta’ miżuri preventivi jew repressivi, bħala garanzija tal-effettività tagħhom;

(j)

tkun prevista sistema ta’ penali finanzjarji (multi) jew oħrajn bħat-tkeċċija jew l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tal-parteċipanti;

(k)

il-possibbiltà li ssir reviżjoni perjodika fid-dawl tal-iżvolġiment tas-sitwazzjonijiet, il-leġislazzjonijiet u l-aspirazzjonijiet tal-firmatarji tagħhom;

(l)

identifikazzjoni ċara tas-sorsi ta’ finanzjament.

1.7.

Fil-livell Komunitarju, il-Ftehim Interistituzzjonali (IIA) jirrappreżenta pass importanti fid-definizzjoni tal-ambitu tal-awtoregolazzjoni u l-koregolazzjoni fil-livell Komunitarju.

1.8.

Ir-reviżjoni tiegħu għandha:

(a)

tidentifika bażi legali vinkolanti;

(b)

tistruttura l-IIA bħala strument speċifiku taħt l-Artikolu 295 tat-TFUE;

(c)

tiddefinixxi mill-ġdid il-kunċetti ewlenin b’konformità mal-iżjed linji gwida reċenti li jiddistingwu bejn l-awtoregolazzjoni u l-koregolamentazzjoni u jirrikonoxxu forom intermedji bħal dawk promossi permezz ta’ rakkomandazzjonijiet u komunikazzjonijiet tal-UE;

(d)

tistipula biċ-ċar li t-tilwim li jirriżulta għandu jkun suġġett għal sistemi alternattivi ta’ soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti.

1.9.

Il-KESE huwa tal-fehma wkoll li dan il-Ftehim jista’ jiġi kkompletat b’mod utli minn rakkomandazzjoni indirizzata lill-Istati Membri li tħeġġiġhom jadottaw l-istess prinċipji u parametri il-livell nazzjonali.

1.10.

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni, lill-PE, lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jagħtu prijorità lir-reviżjoni tal-IIA kif propost f’din l-Opinjoni u li jiġi kkonsultat biex iħejji opinjoni dwar din ir-reviżjoni.

2.   Introduzzjoni: l-għan

2.1.

L-awtoregolazzjoni u l-koregolazzjoni, f’diversi oqsma u diversi korpi nazzjonali u internazzjonali, ilhom żmien twil ikkunsidrati bħala strumenti li jikkomplementaw u jissupplimentaw l-eteroregolazzjoni, meħtieġa biex jiżguraw li jkun hemm regolamentazzjoni adatta ta’ firxa ta’ attivitajiet ekonomiċi u soċjali.

2.2.

Fil-livell tal-UE, l-iżjed permezz tal-Osservatorju tas-Suq Uniku, il-KESE kien l-iżjed korp li impenja ruħu biex jiddefinixxi u jenfasizza r-rwol tal-awtoregolazzjoni u l-koregolazzjoni, u rrefera għalihom f’bosta opinjonijiet, speċjalment dawk maħruġin mis-Sezzjoni INT (1). Biex jappoġġa l-attivitajiet tiegħu, f’Marzu 2008, fil-kuntest tal-SMO, inħolqot il-bażi tad-data dwar l-awtoregolazzjoni u l-koregolazzjoni, li l-KESE aġġorna permezz tad-diversi esperjenzi nazzjonali u Komunitarji f’dan il-qasam.

2.3.

Sadanittant, is-suġġett ġie indirizzat fil-fond f’livell akkademiku, minn għalliema rinomati, speċjalment fil-qasam tal-liġi kuntrattwali, il-governanza korporattiva, ir-responsabbiltà soċjali, l-Internet, il-kummerċ elettroniku, is-sigurtà tal-prodotti, is-servizzi professjonali, l-ambjent, il-pubbliċità u s-settur awdjoviżiv fis-suq uniku.

2.4.

Madankollu, huwa ċar li jinħass in-nuqqas ta’ riflessjoni ta’ natura politika u leġislattiva li tiddefinixxi b’mod ċar il-qafas legali li għandu jirregola l-operazzjoni ta’ dawn l-istrumenti, fil-livell tal-UE, jispeċifika n-natura ġuridika tagħhom, jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tal-validità tagħhom, jiddefinixxi l-oqsma ta’ applikazzjoni, jiċċara r-rabtiet mal-liġi vinkolanti u jispjega l-limiti tagħhom b’mod konsistenti, koerenti u armonizzat.

3.   Kunċetti u definizzjonijiet essenzjali

3.1.

B’eteroregolazzjoni jew “straight regulation” ġeneralment nifhmu bażi statali u governattiva li hija l-prodott tas-sistemi tradizzjonali demokratiċi tal-Istati nazzjon u l-ekwivalenti tagħhom fl-istituzzjonijiet sopranazzjonali bbażati fuq elezzjonijiet demokratiċi, bħall-atti tal-Kungress fl-Amerika u r-regolamenti u d-direttivi tal-Unjoni Ewropea. Dan huwa ġeneralment xi nfissru bis-sett ta’ liġijiet f’sens wiesa’, iddettati mis-setgħa leġislattiva jew eżekuttiva meta dan ikun awtorizzat minnha, b’delega, li d-dispożizzjonijiet tagħha jkunu akkumpanjati minn miżuri ta’ impożizzjoni għall-infurzar tagħhom, jekk ikun meħtieġ bil-forza, u minn miżuri ta’ natura ċivili jew penali biex jippenalizzaw in-nuqqas ta’ konformità (“hard law”).

3.2.

Il-kunċett ta’ awtoregolazzjoni għandu l-oriġini tiegħu fil-psikoloġija tal-imġiba. Meta jiġi applikat fil-qasam tal-ekonomija, b’mod ġenerali jimplika l-adozzjoni mill-operaturi ekonomiċi ta’ ċerti regoli ta’ mġiba bejniethom jew fir-rigward ta’ partijiet terzi fis-suq u fis-soċjetà, li l-konformità magħhom hija miftiehma bejniethom, mingħajr l-ebda mekkaniżmu repressiv estern.

3.3.

Ġiet żviluppata firxa wiesgħa ta’ tipi ta’ awtoregolazzjoni, skont kriterji differenti ta’ klassifikazzjoni, ftit jew wisq xjentifiċi, u b’mod partikolari:

(a)

l-awtoregolazzjoni oriġinali jew delegata: abbażi tar-regoli żviluppati, din tista’ tfisser sempliċement impenn min-naħa tal-partijiet interessati (magħrufa wkoll bħala “awtoregolazzjoni privata”), jew inkella tinvolvi korp governattiv ta’ livell għoli (Stat, entitajiet regolatorji u settorjali u l-Unjoni Ewropea) li jistabbilixxi ċerti parametri vinkolanti (magħrufa wkoll bħala “awtoregolazzjoni pubblika”);

(b)

l-awtoregolazzjoni legali, konswetudinarja jew abbażi tal-ġurisprudenza, li s-sors tagħha jinsab fil-liġi, partikolarment dik kostituzzjonali jew sovranazzjonali (eż. il-liġi Komunitarja), “prattiki tas-suq u tad-dwana” tradizzjonali, illum imsejħa “prattika tajba”, jew rapporti ġudizzjarji;

(c)

l-awtoregolazzjoni nazzjonali jew transnazzjonali (magħrufa wkoll bħala “regolazzjoni privata transnazzjonali”), skont jekk tkunx tkopri biss kwistjonijiet domestiċi jew tkun ġejja minn ftehimiet iffirmati minn operaturi privati, negozji, NGOs jew esperti indipendenti li jistabbilixxu standards tekniċi, li jinteraġixxu ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u intergovernattivi.

3.4.

Fl-aħħar nett, il-koregolazzjoni ġeneralment tirreferi għal forma ta’ regolazzjoni tal-partijiet interessati li hija promossa, orjentata, diretta jew ikkontrollata minn parti terza li tkun jew korp uffiċjali jew awtorità regolatorja indipendenti, normalment b’setgħat ta’ superviżjoni, monitoraġġ u, f’xi każijiet, bis-setgħa li jimponu sanzjonijiet.

3.5.

Għalkemm spiss ikkunsidrati bħala sinonimu, il-kodiċijiet ta’ etika u l-kodiċijiet ta’ prattiki tajbin jirriflettu żewġ kunċetti distinti li jeħtieġ li niddistingwu bejniethom.

3.6.

Iż-żewġ kunċetti jesprimu l-idea ta’ ġabra ta’ standards jew regoli minn proċessi ta’ awtoregolazzjoni jew ta’ koregolazzjoni, u jirrappreżentaw l-aktar metodu sofistikat biex jittraduċu l-ftehim bejn il-partijiet interessati f’dak li għandu x’jaqsam ma’ dawn l-istandards u l-għan tagħhom huwa li jagħmlu trasparenti u aċċessibbli għall-partijiet interessati dawn l-istandards kollha u l-mod li bih dawn jiġu applikati.

3.7.

Madankollu, il-kodiċijiet ta’ etika jikkonċernaw standards deontoloġiċi għall-eżerċitar ta’ ċerti professjonijiet li l-prattikanti tagħhom jingħataw is-setgħa jirregolaw lilhom innifishom, skont id-dispożizzjonijiet tal-liġijiet nazzjonali jew internazzjonali li jirregolaw l-eżerċitar ta’ professjonijiet liberi (tobba, avukati, ġurnalisti, eċċ.).

3.8.

Il-kodiċijiet tal-prattiki tajbin japplikaw pjuttost għall-ġabra tal-istandards ta’ awtoregolazzjoni jew koregolazzjoni fis-sens li jintuża f’din l-opinjoni.

4.   Il-qafas legali Ewropew attwali għall-awtoregolazzjoni u l-koregolazzjoni

A)   Il-kunċetti ta’ “regolamentazzjoni aħjar”, “regolamentazzjoni intelliġenti” u “semplifikazzjoni”

4.1.

Fil-livell tal-UE, kien biss wara l-Kunsill Ewropew ta’ Lisbona ta’ Marzu 2002 li l-Kummissjoni Ewropea ħadet l-inizjattiva ġeneralment magħrufa taħt l-isem ta’ “regolamentazzjoni aħjar”, abbażi tal-pjan ta’ azzjoni għal regolamentazzjoni aħjar fil-livell Ewropew ta’ Ġunju 2002 (2) segwit minn ftehim interistituzzjonali importanti dwar “tfassil aħjar tal-liġijiet” bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (3).

4.2.

It-tfassil aħjar tal-liġijiet u, sa fejn possibbli, inqas tfassil ta’ liġijiet, minn dejjem kien wieħed mill-għanijiet tal-politika tas-suq uniku (4) li dejjem ġie appoġġjat mill-KESE f’diversi opinjonijiet (5), li għandhom l-għan li jfittxu l-aħjar modi li permezz tagħhom l-ambjent leġislattiv ikun aktar aċċessibbli għall-utenti u jkun jista’ jiftiehem aħjar mid-dinja tan-negozju, il-ħaddiema, il-konsumaturi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

4.3.

Il-KESE kkummenta fid-dettall dwar dawn il-kwistjonijiet, kemm bħala risposta għall-proposti tal-Kummissjoni, kif ukoll billi għamel suġġerimenti innovattivi min-naħa tiegħu, pereżempju permezz tal-Opinjoni dwar “L-approċċ proattiv tal-liġi: pass ieħor ‘il quddiem lejn regolamentazzjoni aħjar fil-livell tal-UE” (6),

B)   Il-pożizzjoni tal-awtoregolazzjoni u l-koregolazzjoni fil-qafas legali attwali tal-UE

4.4.

Bl-eċċezzjoni tal-imsemmi ftehim interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet, huwa evidenti li l-kwistjoni ta’ awtoregolazzjoni u koregolazzjoni kienet relattivament nieqsa mill-inizjattivi u t-tħassib tal-Kummissjoni msemmijin hawn fuq (7).

4.5.

Għandhom jiġu enfasizzati għadd ta’ aspetti importanti ta’ dan it-test, b’mod partikolari:

(a)

Il-ftuħ mill-ġdid tal-kwistjoni dwar l-interpretazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità attwalment previsti fl-Artikolu 5 tat-TUE u l-Protokoll 2, li fid-dawl tagħhom għandu jiġi kkunsidrat l-użu ta’ mekkaniżmi għall-awtoregolazzjoni u l-koregolazzjoni;

(b)

Li dawn il-mekkaniżmi jsiru parti mill-programm “regolamentazzjoni aħjar” bil-għan li jkun hemm inqas leġislazzjoni u li din tkun aħjar;

(c)

Id-distinzjoni ċara bejn dawn il-mekkaniżmi u l-“metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni”, li l-ambiti tagħhom huma speċifikati fl-Artikolu 6 tat-TFUE;

(d)

Bl-istess mod, id-distinzjoni ċara bejn dawn il-mekkaniżmi fir-rigward ta’ dak li huwa ġeneralment liġi mhux vinkolanti (soft law) (8) bħall-atti preparatorji jew ta’ informazzjoni (eż. White u Green Papers, pjani ta’ azzjoni u programmi), l-atti interpretattivi, bħall-Komunikazzjoni De Minimis fil-qasam tal-liġi tal-kompetizzjoni (9), il-konklużjonijiet, id-dikjarazzjonijiet, ir-riżoluzzjonijiet u, fl-aħħar nett, ir-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet, kif stipulat fl-Artikolu 288 tat-TFUE (10).

4.6.

Madankollu, min-natura tiegħu, dan il-“ftehim” jirrappreżenta ftit aktar minn “impenn” interistituzzjonali u ma jistabbilixxi l-ebda obbligu legali għall-partijiet terzi (11). Min-naħa l-oħra, b’mod partikolari fir-rigward tal-awtoregolazzjoni, il-Kummissjoni tqis li l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom jastjenu minn inizjattivi volontarji (12) bħal dawn, u għandhom sempliċement jivverifikaw jekk il-prattiki li jinsabu fihom humiex konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat.

4.7.

Rigward il-koregolazzjoni, li għaliha l-ftehim jidher li jesprimi preferenza ċara, l-istituzzjonijiet għandhom l-intenzjoni li jippromovu ftehimiet bejn il-partijiet interessati, u jiddefinixxu l-limiti ta’ tagħhom f’atti leġislattivi, filwaqt li jivverifikaw li dawn jikkonformaw ma’ testi leġislattivi fundamentali u mar-regoli li jirregolaw l-abbozzar tagħhom, u jissorveljaw l-applikazzjoni tagħhom. Madankollu, ma hemmx iżjed minn 10 każijiet fejn din l-intenzjoni ġiet implimentata fil-prattika (13).

4.8.

Fi kwalunkwe każ, madankollu, l-IIA effettivament ma jiddefinixxix qafas legali għall-użu mill-UE ta’ dawn il-mekkaniżmi, ħlief meta jirreferi:

(a)

għall-garanzija tat-trasparenza tagħhom;

(b)

għan-nuqqas ta’ applikazzjoni tagħhom meta d-drittijiet fundamentali jew l-għażliet tal-politika prinċipali jkunu f’riskju;

(c)

jew għal sitwazzjonijiet fejn ir-regoli jkollhom jiġu applikati b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha.

4.9.

Fil-Parlament Ewropew, din il-kwistjoni ġiet enfasizzata f’għadd ta’ riżoluzzjonijiet, minbarra fir-rapport imsemmi hawn fuq tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Interistituzzjonali “Regolamentazzjoni Aħjar” bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (14).

4.10.

F’bosta Opinjonijiet, il-KESE saħaq dwar il-vantaġġi, iżda wkoll dwar il-limitazzjonijiet u l-għanijiet preċiżi u ċirkoskritti tal-użu tal-awtoregolazzjoni u l-koregolazzjoni (15), li jidhru fil-qosor hawn taħt:

(a)

Jeħtieġ li l-awtoregolazzjoni tikkonforma mal-liġi u tiġi appoġġjata minnha; jeħtieġ li tkun tista’ tiġi implimentata, ivverifikata u kkontrollata; trid tkun ukoll effettiva u tipprovdi mezzi ċari ta’ rimedju legali, b’mod partikolari fil-livell transkonfinali.

(b)

Il-koregolazzjoni tikkombina l-elementi tal-leġislazzjoni, l-iżjed f’dak li jirrigwarda n-natura prevedibbli u vinkolanti tagħha, mal-mekkaniżmu aktar flessibbli tal-awtoregolazzjoni. L-isfida għall-koregolazzjoni hija li tiddefinixxi, issostni u tippreserva l-għanijiet tal-politika filwaqt li fl-istess ħin tippermetti aktar flessibbiltà fil-qafas regolatorju.

(c)

F’qafas politiku demokratiku, ir-regolazzjoni privata ġeneralment għandha tirrappreżenta żvilupp jew applikazzjoni tar-regolazzjoni pubblika, possibbilment tissostitwixxiha f’ċerti oqsma, inklużi regoli mhux miktuba tad-dritt konswetudinarju jew regoli interni li l-leġislatur u l-awtoritajiet pubbliċi għandhom il-ħsieb, b’mod espliċitu jew impliċitu, jinfurzaw: il-kodiċijiet ta’ deontoloġija ta’ ċerti professjonijiet, pereżempju.

(d)

Is-suċċess tal-koregolazzjoni u l-awtoregolazzjoni jiddependi minn għadd ta’ fatturi: il-perċezzjoni tal-interess ġenerali, it-trasparenza tas-sistema, ir-rappreżentanza u l-kapaċità tal-atturi kkonċernati, l-eżistenza ta’ mekkaniżmi ta’ evalwazzjoni u ta’ superviżjoni, l-effettività tal-monitoraġġ – inklużi s-sanzjonijiet f’każ ta’ bżonn – u spirtu reċiproku ta’ kooperazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati, l-awtoritajiet pubbliċi u s-soċjetà inġenerali.

(e)

Il-koregolazzjoni u l-awtoregolazzjoni joffru bosta vantaġġi: ineħħu l-ostakli għas-suq uniku, jissemplifikaw ir-regoli, jagħmlu l-implimentazzjoni flessibbli u rapida, jilliberaw il-kapaċità leġislattiva u jiżguraw il-koresponsabbiltà tal-partijiet interessati involuti.

(f)

Għandhom il-limiti tagħhom ukoll, li jiddependu l-iżjed mill-effettività tal-monitoraġġ u tas-sanzjonijiet, miċ-ċertezza tal-adeżjoni tal-partijiet kollha għall-kodiċijiet li ntlaħaq ftehim dwarhom, u mill-kundizzjonijiet ta’ konformità sħiħa mal-atti leġislattivi fis-seħħ u mill-esiġenzi ta’ qafas leġislattiv adegwat fl-oqsma tas-saħħa, is-sigurtà u s-servizzi ta’ interess ġenerali.

5.   Ir-rwol tar-regolazzjoni, l-awtoregolazzjoni u l-koregolazzjoni: definizzjoni u bażi legali

(a)   Il-ħtieġa ta’ bażi legali

5.1.

L-Unjoni Ewropea hija definita, fit-test kostituttiv tagħha, bħala komunità tad-dritt, bħall-kunċett magħruf sew tal-istat tad-dritt. F’komunità tad-dritt, il-validità ta’ kwalunkwe regola tiddependi minn dispożizzjoni abilitanti li l-ewwel trid tkun preżenti fit-test kostituttiv u mbagħad fid-diversi atti leġislattivi tal-piramida regolatorja.

5.2.

It-test kostituttiv tal-UE huwa magħmul mit-Trattati tat-TUE u tat-TFUE bl-istess valur legali (Artikolu 1, it-tielet paragrafu tat-TUE) u l-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali, li issa hija parti integrali mit-Trattat, ukoll b’valur identiku (Artikolu 6 tat-TUE). Kwalunkwe att legali tal-UE għandu jkollu s-sisien tiegħu jew il-bażi legali f’dispożizzjoni ta’ dan it-test kostituttiv, sew jekk dan jinvolvi kompetenza diretta biex jilleġisla, sew jekk delega ta’ dik il-kompetenza (atti ddelegati u atti ta’ implimentazzjoni rregolati mill-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE).

5.3.

Il-kompetenzi attribwiti lill-UE fit-Trattat huma biss dawk mogħtija lilha mill-Istati Membri, skont il-prinċipju tal-attribuzzjoni tal-kompetenzi (Artikoli 4(1) u 5(2) tat-TUE) u skont in-natura esklużiva jew diviża tagħha (Artikolu 2(1) u (2) tat-TFUE) u limitati fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità (Artikolu 5(3) u (4) tat-TUE).

5.4.

L-UE tista’ biss tiddelega l-eżerċitar tal-kompetenzi leġislattivi tagħha sa fejn hija espressament awtorizzata għal dan l-iskop u tista’ biss tiddelega l-kompetenzi attribwiti lilha (Artikolu 13(2) tat-TUE).

5.5.

Ir-rikonoxximent mill-istituzzjonijiet tal-UE (il-Kunsill, il-PE u l-Kummissjoni) ta’ qasam “alternattiv” għall-kompetenza leġislattiva tagħhom jista’ biss jiftiehem bħala “delega” tas-setgħat mogħtija. Għalhekk, sabiex din tkun valida bħala “liġi Komunitarja”, huwa kruċjali li din il-possibbiltà ta’ delega tkun prevista b’mod ċar fit-testi kostituttivi, għalkemm l-arranġamenti u r-rekwiżiti ta’ implimentazzjoni rilevanti jistgħu jitħallew għal-leġislazzjoni sekondarja.

5.6.

Iżda l-fatt huwa li mkien ma teżisti bażi legali bħal din, la b’mod espliċitu u lanqas impliċitu, fit-testi kostituttivi, inkluża l-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali, lanqas b’interpretazzjoni wiesgħa ħafna tal-Artikolu 11 tat-TUE.

5.7.

Fl-aħħar nett, l-IIA ma jikkostitwixxix, minnu nnifsu, sors tal-liġi Komunitarja, u lanqas ma jawtorizza, b’effett vinkolanti għall-partijiet terzi, kwalunkwe delega ta’ setgħat li tirriżulta mid-definizzjoni tal-IIA dwar l-użu ta’ metodi alternattivi ta’ regolamentazzjoni f’każi adatti fejn it-Trattat ma jeħtieġx speċifikament l-użu ta’ strument legali (punt 16).

5.8.

Irrispettivament mil-“leġittimizzazzjoni” mfittxija fi strumenti legali differenti ta’ leġislazzjoni sekondarja u d-definizzjoni ftit jew wisq dettaljata tal-prinċipji u l-kundizzjonijiet li mekkaniżmi bħal dawn għandhom jikkonformaw magħhom sabiex jiġu rikonoxxuti fil-livell tal-UE mill-istituzzjonijiet b’setgħa leġislattiva, dak li hemm nieqes huwa regola li tawtorizza lil dawn l-istituzzjonijiet iċedu s-setgħa leġislattiva tagħhom u jiddelegawha lil dawn il-mekkaniżmi, bħala alternattiva leġittima għall-istrumenti regolatorji Komunitarji definiti fit-Trattati.

(b)   Strument speċifiku għad-definizzjoni tal-awtoregolazzjoni u l-koregolazzjoni

5.9.

Kwistjoni għalkollox differenti hija jekk, minflok ma mekkaniżmi bħal dawn jitqiesu bħala alternattiva għall-kompetenza leġislattiva tal-UE, għandhomx jintużaw bħala mezz biex jikkompletaw jew jissupplimentaw dik il-leġislazzjoni, fi ħdan qafas stabbilit u definit minn qabel bi trasparenza sħiħa.

5.10.

Il-KESE huwa tal-fehma li dan il-qafas għandu jkun definit bħala regola ġenerali, abbażi tat-Trattati u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u mhux jitħalla għad-diskrezzjoni abbażi ta’ każ b’każ għal kull att leġislattiv sekondarju jew derivat.

5.11.

Din id-definizzjoni għandha tiġi inkluża fi ftehim interistituzzjonali speċifiku u vinkolanti b’konformità mal-Artikolu 295 tat-TFUE, u l-applikazzjoni tiegħu għandha tkun soġġetta għal skrutinju possibbli mill-Qorti tal-Ġustizzja.

5.12.

Barra minn hekk, u peress li huwa fil-kompetenza tal-UE li “tagħti parir” lill-Istati Membri biex isegwu l-mudell stabbilit fil-livell Ewropew fis-sistemi legali nazzjonali tagħhom għall-forom ta’ awtoregolazzjoni u koregolazzjoni fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, il-KESE huwa tal-fehma li l-istrument adatt ikun rakkomandazzjoni li tistipula l-prinċipji u r-rekwiżiti stabbiliti fl-IIA l-ġdid u li jagħti parir lill-Istati Membri biex jadottaw u jimplimentawhom fis-sistema legali nazzjonali tagħhom.

5.13.

Fl-aħħar nett, il-KESE huwa tal-fehma li bħala l-korp rappreżentattiv tas-soċjetà ċivili organizzata (Artikolu 304 tat-TFUE), għandu jkun ikkonsultat rigward it-termini ta’ dan il-ftehim ġdid.

(c)   Definizzjoni mill-ġdid ta’ kunċetti fundamentali

5.14.

L-IIA l-ġdid għandu jiddefinixxi mill-ġdid b’mod iżjed adattat għar-realtà, il-kunċetti, it-tipi u l-metodi ta’ awtoregolazzjoni u ta’ koregolazzjoni.

5.15.

Fil-fatt, il-kunċetti ta’ koregolazzjoni u awtoregolazzjoni fl-IIA preżenti ma jikkorrispondu mal-ebda kunċett legali rikonoxxut u ma jiddistingwux sew bejn iż-żewġ metodi fid-dawl tad-differenzi fis-sistemi legali li huma soġġetti għalihom.

5.16.

Barra minn hekk, iż-żewġ tipi definiti fl-IIA ma jagħtux l-istampa kollha. Pereżempju, ma jkoprux ċerti arranġamenti li huma r-riżultat ta’ taħlita ta’ liġi mhux vinkolanti (eż. rakkomandazzjonijiet) jew ftehimiet privati (eż. round tables), u lanqas ma ġew koperti l-ftehimiet regolatorji privati nazzjonali.

5.17.

Fl-aħħar nett, l-IIA jħalli barra r-rwol li r-regolaturi Komunitarji għandhom jaqdu bħala “parti terza” indipendenti u newtrali fil-formulazzjoni u n-negozjar ta’ ftehimiet ta’ koregolazzjoni, kif jiġri fil-każ ta’ għadd ta’ regolaturi f’livell nazzjonali f’diversi setturi.

(d)   Prinċipji bażiċi u rekwiżiti essenzjali

5.18.

L-IIA futur għandu jagħti iżjed attenzjoni lid-definizzjoni ċara u preċiża ta’ sensiela ġenerali ta’ prinċipji fundamentali u rekwiżiti essenzjali li l-mekkaniżmi tal-awtoregolazzjoni u l-koregolazzjoni għandhom jissodisfaw biex jiġu rikonoxxuti u/jew rakkomandati mill-UE.

5.19.

Ta’ min josserva li jistgħu jinħolqu forom ta’ awtoregolazzjoni fil-livell Ewropew barra l-qafas tal-IIA, fuq il-bażi tal-libertà kuntrattwali u ta’ assoċjazzjoni, li huma totalment leġittimi jekk jikkonformaw mal-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-UE, iżda jistgħu jiġu rikonoxxuti biss fil-qafas tal-IIA jekk jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fih.

5.20.

L-IIA attwali diġà jidentifika xi wħud minnhom, li jissemmew hawn fuq, u dawn għandhom jinżammu; madankollu, jistgħu forsi jiġu definiti aħjar, b’mod partikolari fil-każijiet identifikati bħala mhux applikabbli fejn huma kkonċernati d-drittijiet fundamentali, fil-każ ta’ għażliet ta’ politika importanti jew f’sitwazzjonijiet fejn ir-regoli għandhom jiġu applikati b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha.

5.21.

Iżda t-teorija u l-esperjenza ta’ diversi operaturi ekonomiċi identifikaw sensiela sħiħa ta’ prinċipji u rekwiżiti oħra, li jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:

(a)

L-awtoregolazzjoni u l-koregolazzjoni għandhom jissejsu fuq approċċ ta’ interess ġenerali, u ma għandhomx ikunu biss għall-benefiċċju tal-entitajiet regolatorji.

(b)

Għandhom dejjem jirrispettaw ir-rekwiżiti legali u ġudizzjarji kollha eżistenti fl-Ewropa, u jibdew bl-għanijiet u d-dispożizzjonijiet tat-Trattat tal-UE, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Għandhom ikunu wkoll kompatibbli mal-liġi internazzjonali u mal-ftehimiet kummerċjali internazzjonali, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tad-WTO.

(c)

Għandhom ikun soġġetti għall-istħarriġ ġudizzjarju fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali.

(d)

Għandhom ikunu trasparenti, u jipprovdu informazzjoni prattika u aċċessibbli għal kulħadd, mingħajr diffikultà jew spejjeż projbittivi u l-għanijiet tagħhom għandhom jiġu ddikjarati b’mod ċar u mingħajr ambigwità.

(e)

Il-livell ta’ implimentazzjoni tagħhom għandu jkun issorveljat skont kriterji oġġettivi u indikaturi affidabbli predefiniti mill-Kummissjoni permezz ta’ studji tal-impatt ex ante jew ex post; dawn jistgħu jitwettqu b’mod dirett jew jiġu fdati lil evalwaturi indipendenti pubbliċi jew privati, iċċertifikati kif suppost.

(f)

In-natura rappreżentattiva tal-imsieħba tagħhom għandha tiżgura li r-regoli li jkun intlaħaq ftehim dwarhom jiġu implimentati u li d-dispożizzjonijiet ikunu kredibbli u effettivi. Ir-rappreżentanza tagħhom għandha tkun proporzjonali għall-professjoni kkonċernata, fil-livell interprofessjonali jew dak settorjali, kif ukoll għall-ambitu tad-dispożizzjonijiet adottati; jekk hemm bżonn, dawn jistgħu jiġu evalwati b’mod kwantitattiv (numru u proporzjon ta’ membri fl-organizzazzjoni) u, fuq kollox, b’mod kwalitattiv (il-kapaċità li jintervjenu fil-post biex jilleġittimizzaw id-dispożizzjonijiet adottati u biex jinfurzaw konformità magħhom).

(g)

Il-konsultazzjoni minn qabel tal-partijiet direttament ikkonċernati hija wkoll element importanti biex jiġu ġġustifikati l-valur u l-kwalità tar-rekwiżiti, kif ukoll l-effettività tagħhom.

(h)

Is-superviżjoni, l-evalwazzjoni u l-monitoraġġ u s-segwitu tal-mekkaniżmi ta’ awtoregolazzjoni u koregolazzjoni għandhom jinvolvu miżuri preventivi jew repressivi (sanzjonijiet), bħala garanzija tal-effettività tagħhom. Dan ifisser:

1.

mekkaniżmi ta’ awtomonitoraġġ u miżuri dixxiplinarji interni, inklużi studji tal-impatt ex ante  (16);

2.

bażijiet tad-data li jiżguraw monitoraġġ aktar effettiv (17);

3.

l-adozzjoni ta’ tikketta ta’ ċertifikazzjoni jew marka ta’ fiduċja (18);

4.

il-konklużjoni ta’ kodiċijiet nazzjonali li jimplimentaw il-Kodiċi Ewropew ta’ Kondotta (19);

5.

l-istabbiliment ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi b’mod parallel mal-istandards (20);

6.

l-iżvilupp ta’ linji gwida operattivi dwar l-implimentazzjoni (21);

7.

tkun prevista sistema ta’ penali finanzjarji (multi) jew oħrajn bħat-tkeċċija jew l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tal-parteċipanti;

(i)

fl-aħħar nett, il-mekkaniżmi tal-awtoregolazzjoni u l-koregolazzjoni jistgħu jiġu riveduti u aġġustati perjodikament fid-dawl tat-tibdil tas-sitwazzjonijiet, il-leġislazzjonijiet u l-aspirazzjonijiet tal-firmatarji tagħhom.

5.22.

Bil-għan li ssib kompromess tajjeb bejn iċ-ċertezza legali u l-flessibbiltà, jeħtieġ li l-Kummissjoni tiddeċiedi jekk dawn l-aspetti strutturali tal-mekkaniżmi rilevanti għandhomx jidhru fit-test tal-IIA jew f’appendiċi, bl-istess valur legali, iżda possibbilment jistgħu jiġu aġġornati iżjed faċilment, bil-kundizzjoni li jiġi garantit li l-partijiet interessati kollha jiġu kkonsultati.

5.23.

Din id-definizzjoni ġenerali m’għandhiex tippreġudika l-possibbiltà, li għandha tkun espressament stabbilita fl-IIA, li kull strument leġislattiv li jipprevedi l-użu ta’ dawn il-mekkaniżmi, jistabbilixxi kundizzjonijiet u rekwiżiti speċifiċi, adattati għas-settur ikkonċernat, kif inhu diġà l-każ f’diversi regolamenti u direttivi li jirreferu għalihom.

(e)   Oqsma prijoritarji ewlenin ta’ implimentazzjoni

5.24.

Fil-prinċipju, il-KESE mhuwiex tal-fehma li għandhom jiġu esklużi oqsma settorjali sħaħ.

5.25.

Madankollu, jirrikonoxxi li hemm setturi li, għal raġunijiet ċikliċi, għandhom jiġu trattati b’aktar prudenza jew ikunu soġġetti għal termini u kundizzjonijiet iżjed preċiżi għall-użu tal-awtoregolazzjoni u l-koregolazzjoni. Dawn jikkonċernaw, b’mod partikolari, is-servizzi finanzjarji, is-servizzi pubbliċi u s-servizzi ta’ interess ġenerali, u ċerti oqsma li, għalkemm ma jirreferux direttament għall-kontenut tad-drittijiet fundamentali, jimplikaw l-eżerċitar ta’ dawn id-drittijiet, pereżempju, id-drittijiet tal-konsumatur, kif imsemmi f’għadd ta’ Opinjonijiet tal-KESE.

5.26.

L-oqsma ta’ preferenza jikkonċernaw l-iżjed il-governanza u r-responsabbiltà soċjali korporattiva u r-relazzjonijiet ekonomiċi.

5.27.

Għalhekk, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ċerti inizjattivi reċenti tal-Kummissjoni bħall-pjattaforma COP (Pilot Community of Practice for better self- and co-regulation), abbażi tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (22) jew l-appoġġ għal ftehim fost il-kumpaniji ewlenin tal-Internet għal Internet aktar sigur, iżda wkoll dawk li huma r-riżultat tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku (23) u dawk indikati f’diversi strumenti Komunitarji.

(f)   Vantaġġi u diffikultajiet

5.28.

Opinjonijiet preċedenti tal-KESE ġibdu l-attenzjoni għall-vantaġġi tal-użu tal-mekkaniżmi tal-awtoregolazzjoni u l-koregolazzjoni. Fil-qosor, il-benefiċċji ewlenin li ssemmew f’Opinjonijiet preċedenti tal-KESE huma: it-tneħħija tal-ostakli għas-suq uniku, is-semplifikazzjoni tar-regoli, l-implimentazzjoni flessibbli u rapida, il-liberar tal-kapaċità leġislattiva u l-iżgurar tal-koresponsabbiltà tal-partijiet interessati involuti.

5.29.

Iżda, jissemmew ukoll il-limiti tagħhom, li jiddependu l-iżjed mill-effettività tal-monitoraġġ u tas-sanzjonijiet, kif ukoll mill-kundizzjonijiet ta’ konformità sħiħa mal-atti leġislattivi fis-seħħ u mill-esiġenzi ta’ qafas leġislattiv adegwat fl-oqsma tas-saħħa, is-sigurtà u s-servizzi ta’ interess ġenerali, kif issemma f’dawn l-Opinjonijiet (24).

(g)   Forom alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim

5.30.

Wara ġestazzjoni twila u diffiċli, is-sistemi għas-soluzzjoni tat-tilwim barra l-qorti issa qed jiġu rregolati fil-livell Komunitarju skont ir-Regolament dwar l-ODR u d-Direttiva dwar l-ADR (25), li għad iridu jiġu implimentati fl-Istati Membri differenti.

5.31.

Għalkemm mhux essenzjali mill-lat purament teoretiku, għall-istabbiliment ta’ mekkaniżmi għall-awtoregolazzjoni u l-koregolazzjoni, il-KESE jirrakkomanda li l-IIA futur għandu jistipula b’mod ċar bħala rekwiżit ta’ konformità li dawn il-mekkaniżmi għandhom dejjem jipprevedu għall-posibbiltà li jkun hemm soluzzjoni alternattiva tat-tilwim barra mill-qorti b’konformità mal-istrumenti Komunitarji msemmija qabel.

(h)   Ir-rwol tal-istituzzjonijiet Komunitarji, l-Istati Membri u s-soċjetà ċivili

5.32.

Il-partijiet kollha fil-proċedura leġislattiva għandhom responsabbiltajiet speċifiċi x’jerfgħu fl-implimentazzjoni ta’ dawn l-istrumenti.

5.33.

L-ewwel nett, il-Kummissjoni għandha tieħu l-inizjattiva biex tniedi n-negozjati mal-PE u l-Kunsill dwar l-analiżi mill-ġdid tal-IIA attwali, b’konformità mal-parametri stabbiliti fih.

5.34.

Is-soċjetà ċivili, u b’mod partikolari l-KESE, għandha tiġi kkonsultata dwar it-termini ta’ dan in-negozjar u t-test finali tal-Ftehim għandu jkun suġġett għal Opinjoni tal-KESE qabel l-adozzjoni formali tiegħu.

5.35.

L-Istati Membri, permezz tal-parlamenti tagħhom u permezz tal-eżerċitar tas-setgħat konferiti mit-Trattati fil-qasam tal-valutazzjoni tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, għandhom ukoll jieħdu pożizzjoni u l-gvernijiet tagħhom għandhom jimpenjaw ruħhom li jimplimentaw l-istess prinċipji fis-sistemi legali nazzjonali tagħhom.

5.36.

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali għandhom jingħataw is-setgħat u l-mezzi meħtieġa għall-monitoraġġ tal-legalità tal-miżuri adottati.

Brussell, it-22 ta’ April 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.int-opinions&itemCode=32858 (mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  White Paper dwar il-Governanza Ewropea (COM(2001) 428 final (ĠU C 287, 12.10.2001), u Komunikazzjonijiet dwar is-suġġett tat-tfassil aħjar tal-liġijiet, COM(2002) 275, 276, 277 u 278 final tal-5 ta’ Ġunju 2002 (dawn id-dokumenti mhumiex disponibbli bil-Malti).

(3)  Dwar din il-kwistjoni, l-artikli li ġejjin ta’ Linda A.J. Senden huma utli: “Soft Law, Self Regulation and Co-regulation in European Law: Where do they meet?” (fl-Electronic Journal of Comparative Law, Vol. 9, 1 ta’ Jannar 2005) u “Soft Law and its implications for institutional balance in the EC” (fl-Utrecht Law Review, IGITUR, Vol. 1, Nru 2, Diċembru 2005, p. 79).

(4)  Ara l-proġett SLIM (Simpler Legislation for the Internal Market – leġislazzjoni aktar sempliċi għas-suq intern) (COM(96) 559 final final u COM(2000) 104 final).

(5)  http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.int-opinions&itemCode=32858 (mhux disponibbli bil-Malti).

(6)  ĠU C 175, 28.7.2009, p. 26.

(7)  Dan huwa b’mod partikolari l-każ f’żewġ rapporti annwali suċċessivi dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja, numru ta’ rapporti dwar l-istrateġija għas-semplifikazzjoni tal-ambjent regolatorju, u analiżijiet strateġiċi regolari tal-programm “regolamentazzjoni aħjar” fl-UE. L-eċċezzjonijiet ta’ min isemmi huma r-referenzi fid-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni – L-ewwel rapport ta’ progress dwar l-istrateġija għas-semplifikazzjoni tal-ambjent regolatorju, COM(2006) 690 final tal-14 ta’ Novembru 2006.

(8)  Ara d-definizzjoni f’“Soft Law and its implications for institutional balance in the EC” ta’ Linda Senden (fl-Utrecht Law Review, IGITUR, Vol. 1, Nru 2, Diċembru 2005, p. 79).

(9)  Doc. COM(2014) 4136 final, 25.6.2014 (mhux disponibbli bil-Malti).

(10)  Il-Kummissjoni tirreferi għal dawn it-tipi ta’ strumenti u mhux għall-awtoregolazzjoni jew il-koregolazzjoni, pereżempju fil-Komunikazzjoni tagħha “Tax policy in the European Union – priorities for the years ahead” (Il-politika tat-tassazzjoni fl-Unjoni Ewropea – il-prijoritajiet għas-snin li ġejjin) (COM(2001) 260 final, ĠU C 284, 10.10.2001, p. 6) b’mod partikolari f’punt 4.3 (mhux disponibbli bil-Malti).

(11)  Kif tispjega tajjeb Linda Senden fil-pubblikazzjoni msemmija hawn fuq “Soft Law, Self Regulation and Co-regulation in European Law: Where do they meet”, fejn tgħid li: “As regards the Interinstitutional Agreement on better law-making, its having at least binding force inter partes can be defended on the basis of two arguments. Firstly, it contains a number of rather compelling terms (‘agree’, ‘will’), which can be said to express the intention of the institutions to enter into a binding commitment. A confirmation of this intention can also be seen in its points 37 and 38 on the implementation and monitoring of the Agreement, providing, inter alia: ‘The three Institutions will take the necessary steps to ensure that their staff have the means and resources required for the proper implementation of the provisions of this Agreement’ (point 38). Secondly, where ‘agreed acts’ are specifically intended to reinforce interinstitutional cooperation such as the Interinstitutional Agreement at issue here, it can be argued that there is a specific duty of cooperation which in conjunction with the duty of sincere cooperation laid down in Article 10 EC may actually lead to the conclusion that such an agreed act must be considered binding upon the concluding parties”.

(12)  Kif stabbilit b’mod ċar fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni għall-2002, għall-kuntrarju tal-koregolazzjoni, l-awtoregolazzjoni ma tinvolvix att leġislattiv (COM(2002) 278 final, p. 11 – mhux disponibbli bil-Malti).

(13)  Inklużi dawn li ġejjin:

(a)

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill tal-1 ta’ Diċembru 1997 dwar kodiċi ta’ kondotta fil-qasam tat-tassazzjoni korporattiva (mhux disponibbli bil-Malti).

(b)

Ir-Regolament (KE) Nruo 80/2009 dwar Kodiċi ta’ Kondotta għal sistemi ta’ riservazzjoni kompjuterizzata, ĠU L 35, 4.2.2009, p. 47. Ara iżjed eżempji hawnhekk: http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.int-opinions.32859 (mhux disponibbli bil-Malti).

(14)  Rapporteur: Monica Frassoni (A5-0313/2003 tal-25 ta’ Settembru 2003).

(15)  Il-pożizzjonijiet tal-KESE f’dawn l-opinjonijiet jistħoqqilhom jissemmew b’mod partikolari:

ĠU C 14, 16.1.2001, p. 1, dwar “Is-semplifikazzjoni tal-leġislazzjoni tas-Suq Uniku (OMU)”, (mhux disponibbli bil-Malti);

ĠU C 48, 21.2.2002, p. 130, dwar “Is-semplifikazzjoni” (Opinjoni addizzjonali), (mhux disponibbli bil-Malti);

ĠU C 112, 30.4.2004, p. 4, (mhux disponibbli bil-Malti);

ĠU C 255, 14.10.2005, p. 22, dwar “Il-prijoritajiet tas-suq uniku 2005-2010”, (mhux disponibbli bil-Malti);

ĠU C 24, 31.1.2006, p. 52, dwar “It-titjib tal-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni Komunitarja”, (mhux disponibbli bil-Malti);

u, b’mod partikolari, ir-rapport ta’ informazzjoni, 24 ta’ Jannar 2005.

(16)  Hawnhekk jeħtieġ insemmu:

mekkaniżmu ta’ monitoraġġ intern stabbilit mill-EFCA biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-kodiċi ta’ kondotta tal-1992 tad-ditti tal-inġinerija ul-konsulenza;

id-dispożizzjonijiet vinkolanti ta’ kodiċi ta’ etika għall-avukati mill-Unjoni Ewropea, approvat fl-1988 mill-Kunsill tal-Ghaqdiet Ewropej tal-Avukati (CCBE);

bord ta’ dixxiplina stabbilit permezz ta’ kodiċi ta’ kondotta għall-amministraturi tal-beni biex jiżguraw l-implimentazzjoni tagħha u, jekk ikun meħtieġ, jimponu sanzjonijiet – bħal osservazzjonijiet, twissijiet u proposti ta’ esklużjoni mill-avukatura;

l-Alleanza Ewropea għall-Etika fir-Reklamar (EASA), stabbilita fl-1992 biex tikkoordina u tippromovi l-awtoregolazzjoni fl-industrija tar-reklamar;

monitoraġġ mill-BDI (Bundesverband der Deutschen Industrie) tal-applikazzjoni korretta tal-Ftehim konkluż fl-1995 f’Berlin bejn il-gvern u n-negozji dwar il-kundizzjonijiet u l-monitoraġġ tal-effett ta’ serra billi jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 fil-Ġermanja, b’konformità mal-Ftehim ta’ Kjoto.

(17)  Dan huwa l-każ, pereżempju, tal-bażi tad-data għall-istabbilimenti għat-taħriġ tal-inġiniera stabbilita fl-1987 mill-Federazzjoni Ewropea tal-Assoċjazzjonijiet Nazzjonali tal-Inġiniera (FEANI), b’konformità ma’ kodiċi Ewropew ta’ etika li jiżgura rikonoxximent reċiproku tat-taħriġ u l-kwalifiki; din l-assoċjazzjoni għandha 30  000 membru.

(18)  Pereżempju: it-tikketta maħluqa mill-membri tal-Kumitat Ewropew tal-Assigurazzjoni biex jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ kodiċi Ewropew ta’ prattiki tajbin dwar l-Internet, jew it-tikketti ta’ sigurtà tal-kummerċ elettroniku adottati, bħala segwitu għall-Kodiċi ta’ Kondotta għall-bejgħ mill-bogħod.

(19)  Hekk ġara bl-implimentazzjoni ta’ Kodiċi Ewropew ta’ Kondotta adottat fl-1995 u emendat fl-2004 mill-Federazzjoni Ewropea tal-Assoċjazzjonijiet tal-Bejgħ Dirett.

(20)  Pereżempju, ir-rekwiżiti kwantifikati għat-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ, li ntlaħaq ftehim dwarhom fl-1999 mill-Kunsill Ewropew tal-Manifatturi tal-Apparat Domestiku (CECED), bil-kooperazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea.

(21)  Dawn huma xi eżempji:

l-istandards stabbiliti għat-taħriġ, permezz ta’ gwida, abbażi ta’ kodiċi ta’ regoli professjonali għall-konservaturi/restawraturi Ewropej;

manwal tal-utenti għall-fornituri tas-servizzi tal-Internet maħruġ fl-2001 mill-Kamra tal-Kummerċ ta’ Milan sabiex tippromovi prattika tajba f’dan il-qasam.

(22)  COM(2011) 681 final.

(23)  Direttiva 2000/31/KE (ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1).

(24)  Rapport ta’ informazzjoni tal-KESE (INT/204) tal-24.1.2005 dwar “L-istat attwali tal-koregolazzjoni u l-awtoregolazjoni fis-Suq Uniku”, (mhux disponibbli bil-Malti).

(25)  Ir-Regolament (UE) Nru 524/2013 u d-Diretiva 2013/11/UE (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 1 u p. 63).


ANNESS

tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dan il-punt tal-Opinjoni tas-Sezzjoni Speċjalizzata ġie mmodifikat biex jirrifletti l-emenda adottata mill-Assemblea, iżda rċieva aktar minn kwart tal-voti mixħuta (Artikolu 54(4) tar-Regoli ta’ Proċedura):

Punt 5.21h)

Il-monitoraġġ u s-segwitu tal-mekkaniżmi ta’ awtoregolazzjoni u koregolazzjoni għandhom jinvolvu miżuri preventivi jew repressivi (sanzjonijiet), bħala garanzija tal-effettività tagħhom. Dan ifisser:

1.

mekkaniżmi ta’ awtomonitoraġġ u miżuri dixxiplinarji interni, inklużi studji tal-impatt ex ante;

2.

bażijiet tad-data li jiżguraw monitoraġġ aktar effettiv;

3.

l-adozzjoni ta’ tikketta ta’ ċertifikazzjoni jew marka ta’ fiduċja;

4.

il-konklużjoni ta’ kodiċijiet nazzjonali li jimplimentaw il-Kodiċi Ewropew ta’ Kondotta;

5.

l-istabbiliment ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi b’mod parallel mal-istandards;

6.

l-iżvilupp ta’ linji gwida operattivi dwar l-implimentazzjoni;

7.

tkun prevista sistema ta’ penali finanzjarji (multi) jew oħrajn bħat-tkeċċija jew l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tal-parteċipanti.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

91

Kontra

41

Astensjonijiet

28


4.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 291/40


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Politika industrijali għas-settur Ewropew tal-ħġieġ”

(2015/C 291/06)

Relatur:

Josef ZBOŘIL

Korelatur:

Enrico GIBELLIERI

Nhar l-10 ta’ Lulju 2014, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Politika industrijali għas-settur Ewropew tal-ħġieġ

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI), inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-24 ta’ Marzu 2015.

Matul il-507 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-22 u t-23 ta’ April 2015 (seduta tat-22 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’144 vot favur, 3 voti kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

It-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku kellu impatt serju fuq l-industrija tal-ħġieġ u wassal għat-tnaqqis fil-kapaċità u l-produzzjoni kif ukoll għal telf konsiderevoli ta’ impjiegi. Sabiex jiġu salvagwardjati l-impjiegi u tiġi stabbilita klima ta’ investiment tajba biex l-industrija tal-ħġieġ tal-Ewropa tibqa’ minn ta’ quddiem fl-innovazzjoni, huwa essenzjali li dawn l-isfidi ewlenin jiġu indirizzati permezz ta’ politika industrijali Ewropea għall-industrija tal-ħġieġ. Din il-politika għandha tfittex li tikseb bilanċ bejn it-tliet pilastri tas-sostenibbiltà: il-pilastru ekonomiku, soċjali u dak ambjentali.

1.2.

L-UE għandha tuża l-għodod kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex terġa’ tqajjem id-domanda u tisfrutta l-potenzjal tal-prodotti tal-ħġieġ biex tiġi appoġġjata t-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, effiċjenti fl-użu tal-enerġija u ċirkolari, u b’hekk jinħolqu opportunitajiet sostanzjali ta’ negozju u impjieg. Għandhom jiġu implimentati inizjattivi mmirati – bħal miri u miżuri sodi biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija fil-bini kif ukoll l-iżvilupp rapidu ta’ tikketta enerġetika tal-UE għat-twieqi, appoġġ għar-riċerka u l-iżvilupp, it-titjib tal-ġbir u tar-riċiklaġġ tal-ħġieġ, u għandu jerġa’ jkun hemm tkabbir ekonomiku bbażat fuq il-politika f’setturi ewlenin (eż. tal-bini, tal-karozzi u l-enerġiji rinnovabbli).

1.3.

Politika industrijali għas-settur Ewropew tal-ħġieġ għandha ssaħħaħ il-kompetittività tal-manifatturi bbażati fl-Ewropa: billi jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni ma’ kompetituri minn barra l-Ewropa fir-rigward tal-ispejjeż kumulattivi ġġenerati mill-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali tal-Ewropa, billi jkun hemm regolamentazzjoni aħjar u ambjent regolatorju prevedibbli, u billi tiġi indirizzata l-ispiża għolja tal-enerġija fl-Unjoni tal-Enerġija li jmiss. F’dan ir-rigward, għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-impatti fuq l-SMEs u għandu jiġi provdut appoġġ adatt meta jkun meħtieġ. Il-valutazzjoni li jmiss tal-impatt tal-ispiża kumulattiva fuq is-settur, li ser issir mill-Kummissjoni Ewropea, għandha sservi bħala bażi għall-implimentazzjoni tal-aġenda għal “regolamentazzjoni aħjar” kif irrakkomandat mill-President tal-KE, Jean-Claude Juncker.

1.4.

Xi setturi tal-industriji tal-ħġieġ tal-Ewropa huma milquta minn prattiki kummerċjali inġusti u għandhom jiġu protetti. Huwa essenzjali li l-UE taġixxi b’mod aktar rapidu b’miżuri ta’ kummerċ effettivi meta tkun ipperikolata l-kompetizzjoni ġusta. Barra minn hekk, għandhom jitwettqu valutazzjonijiet bir-reqqa tal-effetti ta’ ftehimiet ta’ kummerċ ġodda jew futuri fuq l-industriji tal-ħġieġ ibbażati fl-UE.

1.5.

Tinħtieġ politika biex ikun hemm rabta aħjar bejn is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. It-taħriġ vokazzjonali jista’ jgħin matul it-tranżizzjoni iżda l-industrija Ewropea tal-ħġieġ għandha bżonn ukoll tattira talenti ġodda u tibqa’ minn ta’ quddiem fl-innovazzjoni.

1.6.

Il-koordinazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-politiki Ewropej huma essenzjali (l-enerġija, il-klima, ir-riċerka, il-kummerċ, l-ambjent, il-kompetizzjoni, l-impjiegi, eċċ.). L-involviment tal-imsieħba soċjali b’mod ġenerali u t-twaqqif ta’ djalogu soċjali settorjali Ewropew, b’mod partikolari, jistgħu jinformaw politika industrijali għall-industrija tal-ħġieġ.

1.7.

Ir-reviżjoni tal-iskema tal-UE għan-negozjar tal-emissjonijiet (EU ETS) wara l-2020 għandha tkun ibbażata fuq evidenza soda u għandha tikkunsidra li s-settur ftit li xejn jista’ jkompli jnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra tiegħu. Għalhekk, l-industrija tal-ħġieġ għandha tiġi protetta bis-sħiħ kontra r-riskji ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju wara l-2020 u sakemm jittieħdu sforzi komparabbli għat-tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta’ serra f’pajjiżi kompetituri. L-EU ETS għandha tiggarantixxi li l-installazzjonijiet tal-ħġieġ jirċievu l-ammont sħiħ ta’ allokazzjonijiet bla ħlas li jeħtieġu skont il-punt ta’ riferiment u l-livelli ta’ produzzjoni reali. Barra minn hekk, it-tnaqqis tal-allokazzjonijiet m’għandux ikun aktar mill-potenzjal stmat ta’ tnaqqis ta’ gassijiet b’effett ta’ serra fis-settur.

1.8.

Għalkemm il-mudell ta’ ekonomija ċirkolari ilu jitħaddem b’suċċess għal dawn l-aħħar 40 sena fis-settur tal-kontenituri tal-ħġieġ, tinħtieġ politika proattiva biex jiġu rikonoxxuti u sostnuti l-isforzi tas-settur u biex jinħolqu stejjer ta’ suċċess f’sottosetturi oħra. Għandu jitħeġġeġ ir-riċiklaġġ, b’mod partikolari fis-settur tal-ħġieġ tal-bini, sabiex ikunu jistgħu jiġu żviluppati skemi lokali ta’ ġbir tal-ħġieġ.

1.9.

Kollox ma’ kollox, l-industrija tal-ħġieġ għamlet progress notevoli biex timmobilizza r-riżorsi interni, għalkemm, fil-biċċa l-kbira tagħhom, il-kwistjonijiet ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għad iridu jiġu indirizzati u għandhom jiġu kkunsidrati fit-twaqqif ta’ politika industrijali effettiva għall-industrija tal-ħġieġ. Filwaqt li tirrikonoxxi l-importanza tal-industrija tal-ħġieġ fil-ktajjen tal-valur, din il-politika għandha tistimola r-riċerka u d-domanda għal prodotti u ħġieġ “intelliġenti” b’karatteristiċi ġodda.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Il-ħġieġ huwa materjal inert magħmul minn firxa ta’ riżorsi naturali abbundanti u ħġieġ riċiklat. Huwa prodott kompletament riċiklabbli u apprezzat ħafna għall-karatteristiċi prinċipali tiegħu (jiġifieri l-vantaġġi f’termini ta’ saħħa u kumdità, preservazzjoni tal-ikel, dawl naturali fil-bini, eċċ.). Jintuża wkoll f’għadd ta’ applikazzjonijiet li jiffrankaw l-enerġija jew jiġġeneraw l-elettriku rinnovabbli u f’ħafna applikazzjonijiet tat-teknoloġija avvanzata. Barra minn hekk, il-karatteristiċi tiegħu jagħmluh materjal ta’ ispirazzjoni għal ħafna produtturi, periti, eċċ., u b’hekk jikkontribwixxi għar-reputazzjoni kulturali tal-Ewropa u għall-valur tal-marka kummerċjali madwar id-dinja.

2.2.

Fl-2012 il-produzzjoni totali tal-ħġieġ fl-UE ammontat għal iktar minn 33 miljun tunnellata, li jagħmel lill-UE l-akbar produttur tal-ħġieġ fid-dinja. Il-valur tal-produzzjoni fl-2012 kien ta’ madwar EUR 35 biljun. L-ammonti tas-settur tal-ħġieġ fl-2013 kienu kif ġej: 2 0 2 78  000 tunnellata ta’ ħġieġ tar-reċipjenti (l-Ewropa hija l-ikbar produttur tal-ħġieġ tar-reċipjenti fid-dinja), 8 0 95  000 tunnellata ta’ ħġieġ ċatt, 6 64  000 tunnellata ta’ fibreglass tat-tisħiħ (reinforcing fibre glass), 1 1 08  000 tunnellata ta’ ħġieġ domestiku u 6 70  000 tunnellata ta’ ħġieġ speċjali u tipi oħra ta’ prodotti.

2.3.

Is-settur jimpjega madwar 2 00  000 ruħ f’200 kumpanija madwar l-Ewropa, li jvarjaw minn SMEs sa kumpaniji multinazzjonali. Huwa stmat li indirettament huwa responsabbli għal aktar minn 5 00  000 impjieg. L-industrija hija kkonċentrata f’disa’ pajjiżi (il-Ġermanja, il-Polonja, Franza, ir-Repubblika Ċeka, l-Italja, Spanja, ir-Renju Unit, il-Belġju u l-Awstrija). L-industrija tal-ħġieġ fl-UE ta’ spiss tkun lokalizzata f’żoni b’għeruq storiċi u tradizzjonijiet tal-familja fil-qasam tal-manifattura tal-ħġieġ.

2.4.

Il-produzzjoni fis-settur naqset b’mod sinifikanti, partikolarment fis-settur tal-ħġieġ ċatt (tnaqqis ta’ 20 % fil-produzzjoni bejn l-2007 u l-2012). Dan jinvolvi tnaqqis fil-kapaċità u telf konsiderevoli ta’ impjiegi.

2.5.

Ir-riskju li l-industrija tal-ħġieġ Ewropea tiddgħajjef b’mod irriversibbli sar realtà. Madankollu, din hija industrija importanti għall-Ewropa, mhux biss minħabba l-pożizzjoni globali eċċellenti tagħha, iżda wkoll minħabba l-kontribut abilitanti essenzjali tagħha għal setturi u teknoloġiji oħra (pereżempju t-teknoloġiji tat-touch screens, ir-rinnovabbli u t-tidwil OLED). Pereżempju, is-settur tal-ħġieġ tar-reċipjenti jipprovdi prodotti lil ditti Ewropej ewlenin, li jżidu EUR 21 biljun fil-bilanċ kummerċjali pożittiv tal-Ewropa. Il-ħġieġ għandu rwol ewlieni biex tinkiseb it-tranżizzjoni lejn ekonomija kompetittiva u effiċjenti fl-użu tal-enerġija u r-riżorsi. Għalhekk huwa importanti li l-Ewropa tiżviluppa politika industrijali għas-settur tal-ħġieġ.

3.   L-industrija tal-ħġieġ Ewropea – karatteristiċi ġenerali

3.1.

L-industrija tal-ħġieġ tagħmel użu intensiv immens mill-kapital. Din il-karatteristika hija aktar evidenti fl-istadji iktar ‘il fuq mill-manifattura tal-ħġieġ fejn jiġu manifatturati l-prodotti bażiċi. Għandu jiġi promoss settur upstream b’saħħtu fl-Ewropa li jkun jista’ jappoġġja l-innovazzjoni u l-vitalità tal-katina tal-valur.

3.2.

B’riżultat tal-kriżi ekonomika, tat-tnaqqis fid-domanda minn setturi ewlenin (jiġifieri s-setturi tal-bini u tal-karozzi) u tal-kompetizzjoni akbar minn produtturi barra l-UE mmirati lejn is-suq tal-UE, jistgħu jiġu osservati x-xejriet li ġejjin:

12 minn 62 impjant tas-settur tal-ħġieġ ċatt fl-UE waqqfu l-produzzjoni. B’kuntrast, bejn l-2008 u l-2012 inbnew disa’ siti ġodda fir-reġjuni ġirien (ħaddiema b’pagi aktar baxxi, enerġija u materja prima u rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju) u 16-il sit ieħor huma ppjanati sal-2016. Xi siti huma mmirati lejn is-suq tal-UE (eż l-Alġerija).

Ma nbena l-ebda impjant ġdid tal-ħġieġ tar-reċipjenti fl-Ewropa, iżda tħabbru 13-il unità ta’ produzzjoni ġodda barra l-Ewropa.

Is-settur tal-ħġieġ tal-fibra intlaqat ukoll. Minn 9 produtturi fl-UE, wieħed għalaq u l-oħrajn kollha rristrutturaw billi naqqsu 45 % tal-impjegati tagħhom mill-2008 ‘l quddiem.

Fis-settur tal-prodotti li jintużaw fuq il-mejda, qiegħed isir ristrutturar ukoll u l-industrija tal-kristall tilfet ħafna SMEs u impjiegi (jiġifieri l-Boħemja u Murano).

3.3.

Ix-xejriet ta’ investiment li ġejjin bħalissa huma prevalenti f’xi setturi ewlenin tal-ħġieġ.

Fis-settur tal-bini, il-gruppi tas-settur tal-ħġieġ ċatt għandhom strateġiji ta’ investiment globali. F’dawn l-aħħar snin, l-istrateġiji taw prijorità lill-investimenti barra l-Ewropa, l-aktar minħabba n-nuqqas ta’ domanda fl-UE. Barra minn hekk, is-settur isib l-investimenti fejn jista’ jkun mistenni b’mod raġonevoli potenzjal ta’ tkabbir u ambjent tal-manifattura li jiffavorixxi n-negozju.

L-ixpruni ewlenin tas-siti ta’ investiment fis-settur tal-ħġieġ tal-karozzi huma ddettati mill-manifatturi tal-karozzi. Il-prossimità tal-investimenti huwa fattur deċiżiv għall-manifatturi tal-karozzi u dan għal raġunijiet ta’ loġistika.

Bħala medja, kull sena jiġu investiti EUR 610 miljun fis-settur tal-ħġieġ tar-reċipjenti. Minħabba l-bżonn ta’ prossimità, l-industrija tar-reċipjenti tal-ħġieġ hija industrija lokali marbuta ma’ dik tal-ikel u x-xorb, kif ukoll mas-settur farmaċewtiku (aktar minn 50 % tal-fliexken u l-vażetti tal-ħġieġ jintbagħtu lil klijenti li jinsabu f’distanza ta’ 300 km). Madankollu, hemm pressjoni qawwija minn materjali li jikkompetu għal dawn is-swieq.

Fis-settur tal-prodotti li jintużaw fuq il-mejda u dak tal-ħġieġ domestiku, ħafna mill-investiment iseħħ barra l-Ewropa minħabba pressjoni kbira ħafna fuq l-ispejjeż. Dan huwa aggravat b’livell għoli ħafna ta’ importazzjonijiet mill-Asja u l-Lvant Nofsani.

Is-settur tal-fibre għat-tisħiħ (reinforcing fibre) huwa verament settur globali u qed jiffaċċja prattiki rikorrenti ta’ dumping (jiġifieri miċ-Ċina); għalhekk, id-deċiżjonijiet dwar il-lokazzjoni tal-investiment huma sensittivi ħafna għall-ispejjeż.

3.4.

Minkejja dawn ix-xejriet allarmanti, l-Ewropa għadha tgawdi minn pożizzjoni ta’ tmexxija. In-natura storika tal-industrija fl-Ewropa ppermettiet li jiġu żviluppati l-esperjenza, l-għarfien u l-ħaddiema kkwalifikati. L-industriji tagħha għadhom qed jinvestu fir-riċerka u l-iżvilupp kemm f’tekniki ta’ produzzjoni avvanzati kif ukoll fi prodotti, servizzi u netwerks aktar sofistikati.

4.   Sostenibbiltà

4.1.

Is-sostenibbiltà bħala prinċipju ewlieni hija kunċett globali u l-politiki u l-azzjonijiet kollha implimentati għandhom ikunu konformi ma’ dan il-prinċipju. Politika industrijali għall-industrija tal-ħġieġ għandha tfittex li tikseb bilanċ bejn it-tliet pilastri tas-sostenibbiltà: dak ekonomiku, soċjali u ambjentali.

ID-DIMENSJONI EKONOMIKA TAS-SOSTENIBBILTÀ

4.2.

Għalkemm 80 % tal-kummerċ fl-industrija tal-ħġieġ iseħħ fl-UE, f’xi sottosetturi qed tiżdied il-kompetizzjoni esterna. Għalhekk huwa importanti li politika industrijali għas-settur Ewropew tal-ħġieġ issaħħaħ il-kompetittività tal-manifatturi bbażati fl-Ewropa.

4.3.

Din il-politika industrijali għandha tindirizza l-punti ta’ tħassib li ġejjin:

L-ispiża għolja tal-enerġija fl-Ewropa (eż. 37 % tal-ispejjeż tal-produzzjoni tal-ħġieġ ċatt) u l-impatt relatat tal-politika dwar il-klima fuq dan is-settur li juża ħafna enerġija.

L-ispejjeż kumulattivi ġġenerati mill-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali tal-Ewropa, mingħajr ma jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni mal-kompetituri barra l-Ewropa u mingħajr appoġġ finanzjarju għall-adattamenti neċessarji, b’mod partikolari, għall-SMEs.

Ir-regolamentazzjoni aħjar u ambjent regolatorju prevedibbli li jappoġġja t-teħid ta’ deċiżjonijiet fit-tul huma neċessità fl-industriji tal-ħġieġ ikkaratterizati minn ċikli ta’ investiment twal.

4.4.

L-industriji tal-ħġieġ tal-Ewropa għandhom ikunu protetti kontra prattiċi kummerċjali inġusti. Is-settur tal-fibra tal-ħġieġ tal-filament kontinwu (continuous glass fibre) kif ukoll dak tal-ħġieġ ċatt u ta’ speċjalità(flat and specialty glass) huma milquta ħażin minn prattiki kummerċjali inġusti minn kompetituri Ċiniżi, u jeħtieġ li l-Kummissjoni Ewropea tibqa’ attenta għaċ-ċirkomvenzjoni tad-dazji. B’mod ġenerali, huwa essenzjali li, meta tkun ipperikolata l-kompetizzjoni ġusta, l-UE taġixxi b’mod aktar rapidu b’miżuri ta’ kummerċ effettivi. Barra minn hekk, għandhom jitwettqu valutazzjonijiet bir-reqqa tal-effetti ta’ ftehimiet ta’ kummerċ ġodda jew futuri fuq l-industriji tal-ħġieġ ibbażati fl-UE.

4.5.

L-UE ma rkupratx mill-kriżi finanzjarja inizjali, u qed tesperjenza distakk qawwi fl-investiment. L-investiment fl-UE naqas b’iktar minn 430 biljun mill-ogħla livell tal-2007. Il-livelli ta’ investiment fl-UE huma bejn EUR 270 biljun u EUR 340 biljun inqas mil-livelli sostenibbli tal-passat. L-investimenti dgħajfa jfixklu l-irkuprar fiż-żmien qasir u jipperikolaw it-tkabbir fit-tul fl-industrija tal-ħġieġ (1). Fid-dawl tal-valur miżjud tal-prodotti tal-ħġieġ, l-UE għandha tuża l-għodod kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tisfrutta l-potenzjal tagħhom biex jappoġġjaw it-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, u li tuża l-enerġija b’mod effiċjenti. Peress li s-settur tal-ħġieġ għandu potenzjal konsiderevoli li jkollu effetti sekondarji, ir-riċerka u l-iżvilupp għandhom jitħeġġu aktar. Dan jinvolvi l-introduzzjoni ta’ politika bbażata fuq ritorn koordinat lejn it-tkabbir ekonomiku.

4.6.

Jista’ jiġi rilaxxat aktar potenzjal fis-settur tal-ħġieġ ċatt permezz ta’ miri u miżuri sodi biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija fil-bini kif ukoll l-iżvilupp rapidu ta’ tikketta enerġetika tal-UE għat-twieqi. Is-sostituzzjoni ta’ twieqi ineffiċjenti bi ħġieġ li jkollu prestazzjoni tajba ħafna tista’ tiffranka sa 100 miljun tunnellata ta’ CO2 fis-sena filwaqt li tappoġġja l-ħolqien ta’ impjiegi lokali. Bl-istess mod, peress li l-fibri tal-ħġeiġ għat-tisħiħ (reinforcement glass fibres) jagħmluha possibbli li jkun hemm materjal kompożitu ħafif, dawn jikkontribwixxu għall-isforzi tal-UE sabiex tiddekarbonizza s-settur tat-trasport tagħha.

4.7.

Fi studju li sar fl-2008 għall-Kummissjoni Ewropea dwar il-Kompetittività tas-Settur tal-Ħġieġ (2) ġew identifikati b’mod korrett il-punti b’saħħithom u dawk dgħajfa tal-industrija u l-opportunitajiet u t-theddid għaliha. L-industrija tal-ħġieġ għamlet progress notevoli għalkemm għad iridu jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni u għandhom jiġu kkunsidrati fit-twaqqif ta’ politika industrijali effettiva għall-industrija tal-ħġieġ.

ID-DIMENSJONI SOĊJALI TAS-SOSTENIBBILTÀ

4.8.

It-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku globali u t-tendenzi industrijali deskritti hawn fuq irriżultaw f’telf ta’ impjiegi fl-industrija tal-ħġieġ. Il-fortizzi industrijali tal-ħġieġ kienu l-aktar li ntlaqtu b’mod partikolari minħabba l-għeluq ta’ impjanti ta’ tidwib tal-ħġieġ u t-telf sussegwenti ta’ impjiegi indiretti. Madwar l-Ewropa, intilfu wkoll impjiegi f’attivitajiet ta’ proċessar stabbiliti iktar l-isfel fil-katina tal-valur, pereżempju, fl-SMEs.

4.9.

Politika industrijali effettiva għall-UE jkollha bżonn tħares lejn l-ispeċifiċitajiet tas-settur. Għas-settur tal-ħġieġ, din il-politika għandha timmobilizza l-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni sabiex jakkumpanjaw ir-ristrutturar. L-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali għandhom rwol importanti x’jaqdu biex, flimkien mal-imsieħba soċjali, jindirizzaw id-dimensjoni soċjali tat-tranżizzjoni ekonomika.

4.10.

L-iżvilupp tal-industrija tal-ħġieġ jiddependi wkoll mill-kapaċità tagħha li żżomm u tkompli tiżviluppa l-ħiliet u l-kompetenzi tal-forza tax-xogħol tagħha. Għalhekk huwa essenzjali li dan l-għarfien Ewropew ikompli jiġi żviluppat. Tinħtieġ politika biex tipprovdi l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-impjiegi adatti, u biex torbot aħjar is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.

4.11.

F’suq tax-xogħol miftuħ u dinamiku, jeħtieġ li l-industrija tal-ħġieġ Ewropea ssir iktar attraenti, b’mod partikolari, għaż-żgħażagħ. L-investimenti fl-użu effiċjenti tal-enerġija fis-settur tal-bini, it-titjib tal-ġbir u tar-riċiklaġġ tal-ħġieġ, u r-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni fl-industrija tal-ħġieġ ser jiġġeneraw ammont sostanzjali ta’ opportunitajiet ta’ impjieg.

4.12.

Il-politika industrijali għall-industrija tal-ħġieġ għandha tkun informata permezz ta’ djalogu soċjali settorjali li jippermetti lill-imsieħba soċjali jiskambjaw informazzjoni dwar l-aspetti rilevanti kollha ta’ interess komuni għall-futur ta’ din l-industrija fl-Ewropa.

ID-DIMENSJONI AMBJENTALI TAS-SOSTENIBBILTÀ

4.13.

L-industrija tal-ħġieġ tagħmel użu intensiv mill-enerġija; konsegwentement, it-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija huwa kemm imperattiv ekonomiku kif ukoll mira kontinwa. L-industrija tal-ħġieġ irnexxielha tnaqqas il-konsum tal-enerġija tagħha għal kull oġġett matul l-aħħar ftit għexieren ta’ snin biex tissodisfa d-domanda tal-Ewropa (tnaqqis ta’ 55 % fl-industrija tal-ħġieġ ċatt bejn l-1970 u l-2000 filwaqt li rdoppjat il-produzzjoni). Madankollu, kif ġie ddikjarat fl-Opinjoni CESE 1205/2009, l-industrija tal-ħġieġ diġà laħqet il-limiti fiżiċi eżistenti ta’ għarfien attwali, u l-aħjar tekniki disponibbli għall-produzzjoni tal-ħġieġ kienu diġà qed jiġu applikati b’mod wiesa’. Għalhekk, l-għan li jkompli jitnaqqas l-użu tal-enerġija fil-manifattura tal-ħġieġ huwa limitat ħafna.

4.14.

L-industrija tal-ħġieġ taqa’ taħt l-ETS u s-setturi kollha tagħha huma meqjusa bħala esposti għal riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Il-valutazzjoni kwantitattiva tal-2014 li saret mill-Kummissjoni Ewropea ħarġet fid-dieher żieda ta’ 20 % fir-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju fis-settur tal-ħġieġ ċatt, meta mqabbel mal-valutazzjoni li twettqet fl-2009. Is-sistema tal-ETS tiġġenera tnaqqis rapidu ta’ allokazzjonijiet bla ħlas tal-kwoti tas-CO2 għas-setturi esposti għar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Dan idgħajjef il-kompetittività tas-setturi tal-industrija tal-ħġieġ ibbażati fl-Ewropa fir-rigward ta’ pajjiżi terzi. L-industrija tal-ħġieġ għandha tiġi protetta bis-sħiħ kontra r-riskji ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju sakemm jittieħdu sforzi komparabbli għat-tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta’ serra f’pajjiżi kompetituri. Din il-protezzjoni effettiva kontra r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għandha tiggarantixxi li l-installazzjonijiet bl-aħjar prestazzjoni kontra l-gassijiet b’effett ta’ serra jingħataw l-allokazzjonijiet bla ħlas kollha li jeħtieġu biex jissodisfaw il-livelli ta’ produzzjoni attwali. Il-kwantità ta’ allokazzjonijiet bla ħlas m’għandhiex titnaqqas aktar malajr mill-potenzjal stmat ta’ tnaqqis fil-gassijiet b’effett ta’ serra tas-settur. B’mod aktar ġenerali, il-pakkett il-ġdid dwar il-klima jkopri b’mod ċar il-kapaċità ta’ mitigazzjoni tas-settur. Id-dekarbonizzazzjoni tista’ tinkiseb aħjar f’setturi li mhumiex fl-ETS, bħall-bini.

4.15.

Il-mudell ta’ suċċess tal-ekonomija ċirkolari ilu jopera għall-aħħar 40 sena fis-settur tal-kontenituri tal-ħġieġ (jiġifieri 71 % tal- fliexken tal-ħġieġ huma riċiklati fl-UE). Sabiex jiġu rikonoxxuti u appoġġjati l-isforzi tal-industrija, fil-politiki tal-imballaġġ u tal-iskart tagħha, l-UE għandha tikkunsidra li tipprijoritizza l-materjali permanenti li jistgħu jiġu riċiklati indefinittivament mingħajr ma tintilef il-kwalità.

4.16.

Għandu jkun hemm inċentivi għar-riċiklaġġ fis-settur tal-ħġieġ tal-bini. Għandhom jiġu kkunsidrati diversi strumenti ta’ politika sabiex jiġu żviluppati l-inizjattivi lokali dwar il-ġbir u r-riċiklaġġ tal-ħġieġ fil-qasam tal-bini. Fil-livell Ewropew, għandhom jiġu stabbiliti miri individwali għal tipi ta’ skart tal-kostruzzjoni u d-demolizzjoni, u l-verifiki qabel id-demolizzjoni jew ir-rinnovazzjoni ta’ bini terzjarju jistgħu jsiru obbligatorji. Dan ser iżid iż-żarmar, l-għażla u l-ġbir ta’ ħġieġ għal skopijiet ta’ riċiklaġġ.

4.17.

Ir-riċiklaġġ huwa essenzjali għall-industrija tal-ħġieġ peress li l-użu ta’ skart tal-ħġieġ jgħin biex titnaqqas l-enerġija meħtieġa għat-tidwib tal-ħġieġ u biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2. Dan għandu l-potenzjal li jiġġenera l-impjiegi fis-settur u jikkontribwixxi għall-objettiv tal-ekonomija ċirkolari tal-UE.

Brussell, it-22 ta’ April 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Il-Pjan ta’ investiment tal-President Juncker “Pjan ta’ investiment għall-Ewropa” COM(2014) 903 final – skeda informattiva 1

(2)  ECORYS et al. Studji dwar il-Kompetittività tas-Settur tal-FWC għall-Kummissjoni Ewropea– il-Kompetittività tas-Settur tal-Ħġieġ, Ottubru 2008.


4.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 291/45


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomikuu Soċjali Ewropew dwar “Il-promozzjoni tas-suq uniku Ewropew li jikkombina l-inġinerija bijomedika mal-industrija tas-servizzi mediċi u tal-kura”

(2015/C 291/07)

Relatur:

Edgardo Maria IOZIA

Korelatur:

Dirk JARRÉ

Nhar l-10 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Il-promozzjoni tas-suq uniku Ewropew li jikkombina l-inġinerija bijomedika mal-industrija tas-servizzi mediċi u tal-kura

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI), inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-24 ta’ Marzu 2015.

Matul il-507 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-22 u t-23 ta’ April 2015 (seduta tat-23 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’135 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

L-inġinerija bijomedika mhijiex sempliċement parti sekondarja tal-mediċina moderna. Il-biċċa l-kbira tal-mediċina moderna tiżgura avvanzi importanti permezz tal-użu tal-prodotti tal-inġinerija bijomedika (1).

1.2.

L-industrija tal-inġinerija bijomedika ser issir dejjem aktar importanti minħabba l-iżvilupp teknoloġiku u l-potenzjal ta’ tekniki ġodda li jtejbu l-kura u r-riabilitazzjoni, li jirrappreżenta pass importanti ‘l quddiem f’termini ta’ kura tas-saħħa u tal-kwalità tal-ħajja. Naturalment, din mhijiex l-unika industrija li hija rilevanti hawnhekk, iżda hija waħda li qed issir aktar u aktar importanti.

1.3.

L-Ewropa qed tiffaċċja domanda li dejjem tiżdied għal servizzi tas-saħħa ta’ kwalità tajba, affordabbli, siguri u dejjem affidabbli fi żmien meta l-infiq pubbliku jinsab taħt pressjoni. B’popolazzjoni anzjana li qed tespandi u bażi tat-taxxa li qed tinxtorob, wasal iż-żmien biex l-Unjoni Ewropea tikkunsidra mill-ġdid is-sistemi tal-kura tas-saħħa tagħha sabiex tagħmilhom aċċessibbli għal kulħadd, effiċjenti u sostenibbli billi tipprovdi biżżejjed riżorsi.

1.4.

Sabiex il-popolazzjoni tkun iktar b’saħħitha u tingħata kura tajba fis-seklu 21, għandna bżonn approċċi ta’ sistemi tal-inġinerija li jfasslu mill-ġdid il-prattiki tal-kura skont il-ħtiġijiet li jinbidlu u jintegraw in-netwerks tal-IT lokali, reġjonali, nazzjonali, u globali.

1.5.

L-aċċess għas-servizzi tas-saħħa u tal-kura għandu jiġi kkunsidrat bħala dritt fundamentali. Il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġu involuti mill-qrib l-utenti potenzjali tal-prodotti tal-inġinerija bijomedika – b’mod partikolari l-pazjenti u l-familji tagħhom, iżda wkoll il-persunal mediku u dak tal-kura tas-saħħa – fil-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet sabiex flimkien mal-esperti fil-qasam tal-inġinerija bijomedika jiġu determinati d-direzzjoni tar-riċerka tal-inġinerija bijomedika u t-tfassil sussegwenti ta’ prodotti u servizzi, b’tali mod li jissodisfaw il-ħtiġijiet u l-preferenzi reali, ikunu jistgħu jiġu ġestiti faċilment, u b’hekk jaqdu aħjar l-iskop tagħhom. Barra minn hekk jeħtieġ li jiġu kkunsidrati l-kwistjonijiet tal-aċċessibbiltà, is-sigurtà, il-possibbiltà ta’ dipendenza u l-protezzjoni tad-data.

1.6.

L-aċċess għat-tekniki bijomediċi u s-servizzi relatati għandu jiġi promoss, speċjalment f’dawk il-pajjiżi b’defiċit konsiderevoli f’dawn l-oqsma. Għalkemm diġà ġie allokat xi finanzjament għall-miżuri tas-saħħa marbutin max-xjuħija, mas-saħħa elettronika, mal-promozzjoni tas-saħħa u mat-taħriġ, nirrakkomandaw bis-sħiħ li l-Fondi Strutturali jintużaw aktar fil-qasam tal-benesseri marbut mas-saħħa.

1.7.

It-twaqqif ta’ suq uniku li jintegra l-inġinerija bijomedika fl-industrija tas-servizzi mediċi u tal-kura, flimkien ma’ approċċi sistematiċi u tal-ICT fir-rigward tal-informatika tas-saħħa, inklużi l-akkwist, il-ġestjoni, u l-użu tal-informazzjoni fis-saħħa u t-telemediċina ser ikollhom vantaġġi kbar ħafna għall-Unjoni Ewropea u ser isaħħu bil-kbir il-kwalità u l-effiċjenza tal-kura medika għal kulħadd.

1.8.

Il-KESE jappoġġja t-tnedija mtejba ta’ “aktar Ewropa fis-saħħa”, b’erba’ elementi essenzjali:

l-armonizzazzjoni tal-leġislazzjoni eżistenti;

l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni eżistenti;

attivitajiet ta’ riċerka, żvilupp u innovazzjoni;

aċċess ugwali, b’attenzjoni speċjali fuq gruppi vulnerabbli tas-soċjetà.

1.9.

Il-KESE huwa favur u jirrakkomanda:

l-iżgurar bis-sħiħ ta’ kura tas-saħħa u aċċess ugwali għall-kura tas-saħħa għal kulħadd;

l-għoti ta’ appoġġ kontinwu għal kwistjonijiet ta’ saħħa fis-sistema edukattiva u f’attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni;

it-tħeġġiġ ta’ dawk li jfasslu l-politika biex jistabbilixxu sistema ta’ komunikazzjoni dwar l-innovazzjoni;

il-provvista ta’ informazzjoni aħjar għas-suq u mis-suq;

il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni mal-pubbliku inġenerali sabiex tiġi promossa l-fiduċja fl-innovazzjoni;

komunikazzjoni kemm orizzontali kif ukoll vertikali;

it-tisħiħ tal-kontrolli tas-suq biex jiżguraw is-sikurezza tal-konsumatur;

it-tisħiħ tal-proċess ta’ standardizzazzjoni tal-apparat mediku;

l-inklużjoni tal-preskrizzjonijiet elettroniċi fl-istrateġiji nazzjonali tal-pajjiżi kollha tal-UE;

il-garanzija tal-aċċessibbiltà, l-interoperabbiltà u s-sorsi miftuħa għas-saħħa elettronika;

it-tibdil fis-sistema biex tkejjel ir-riżultati flok tkun orjentata lejn il-kontroll mikrofinanzjarju;

l-għoti ta’ aktar viżibbiltà lill-ambitu u r-rwol tal-industrija medika fl-ekonomija u l-kura tas-saħħa, pereżempju permezz ta’ kategorija proprja għall-inġinerija bijomedika u s-servizzi tal-kura fil-paġna ewlenija http://ec.europa.eu/research/health;

il-konsolidazzjoni tal-finanzjament għar-riċerka u l-iżvilupp u l-iżvlupp tal-prodotti (2);

il-finanzjament tal-ġestjoni, it-tixrid u l-esplojtazzjoni tal-innovazzjoni;

ir-reviżjoni tas-sistemi kollha għar-rimborż u l-finanzjament, peress li s-sitwazzjoni attwali fil-biċċa l-kbira hija diffiċli ħafna u tista’ toħloq telf kbir ta’ ħiliet u professjonaliżmu.

1.10.

L-Ewropa għandha ssegwi l-eżempju tal-Istati Uniti u tirrikonoxxi d-dixxiplina bħala xjenza indipendenti. Dan jista’ jgħin ukoll biex titrawwem il-kompetittività internazzjonali tal-intrapriżi Ewropej.

1.11.

Il-KESE jappoġġja l-għanijiet tal-UE:

biex ittejjeb is-saħħa taċ-ċittadini billi tagħmel l-informazzjoni li tista’ ssalva l-ħajja disponibbli bl-użu ta’ għodod tas-saħħa elettronika;

biex iżżid l-aċċess għall-kura tas-saħħa u ttejjeb il-kwalità billi s-saħħa elettronika tagħmel parti mill-politika tas-saħħa u billi tikkoordina l-istrateġiji politiċi, finanzjarji u tekniċi tal-pajjiżi tal-UE;

biex l-għodod tas-saħħa elettronika jsiru iktar effettivi, faċli biex jintużaw u ġeneralment aċċettati billi l-professjonisti u l-pazjenti jiġu involuti fl-istrateġiji relatati, fil-proċess ta’ disinn u fl-implimentazzjoni.

1.12.

It-taħriġ u l-impjegabbiltà tal-inġiniera fil-qasam tal-bijomediċina u dak bijomolekolari huma fatturi strateġiċi fl-iżvilupp ta’ soċjetà avvanzata, peress li r-relazzjoni mill-qrib bejn l-attività produttiva u s-saħħa tal-bniedem issa hija dejjem aktar ċentrali għall-organizzazzjoni soċjali u, għalhekk, fil-produzzjoni tal-hardware u l-industriji tas-servizzi.

1.13.

L-attivitajiet ewlenin li llum il-ġurnata jeħtieġu speċjalisti fil-qasam tal-inġinerija bijomedika huma:

il-manifattura, il-kummerċjalizzazzjoni u l-valutazzjoni tal-apparat u tat-tagħmir mediku (għall-prevenzjoni/id-dijanjożi/it-trattament/ir-riabilitazzjoni), materjali speċjali, apparati impjantabbli, proteżi u sistemi robotiċi għal applikazzjonijiet bijomediċi;

strateġiji relatati mal-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ tagħmir u sistemi bijomediċi;

is-servizzi ta’ inġinerija klinika fil-faċilitajiet tas-saħħa pubbliċi u privati, fid-dinja tal-isport u tad-divertiment;

it-telemediċina u l-applikazzjonijiet telematiċi fid-dijanjożi u t-trattament relatati mas-saħħa;

l-informatika medika, b’mod partikolari s-sistemi tal-informazzjoni tas-saħħa u s-software għall-ipproċessar tad-data bijomedika u tal-bijoimmaġni;

il-bijoteknoloġija u l-inġinerija taċ-ċelloli;

l-industrija farmaċewtika u l-industrija tal-ikel, biex tiġi analizzata u kkwantifikata l-interazzjoni bejn il-mediċini/is-sustanzi u l-parametri bijoloġiċi;

l-industrija tal-manifattura b’mod ġenerali: l-ergonomija tal-prodotti/il-proċessi u l-impatt tat-teknoloġiji fuq is-saħħa tal-bniedem.

1.14.

Il-qafas regolatorju Ewropew u nazzjonali ma setax iżomm mal-pass mgħaġġel tal-bidla fit-teknoloġija, b’mod partikolari fil-manifattura addittiva, u għal din ir-raġuni hemm bżonn doppju għal regolament: fuq naħa, regolament speċifiku li jindirizza primarjament l-istandards u ċ-ċertifikazzjoni u fuq in-naħa l-oħra, evalwazzjoni mill-ġdid tal-leġislazzjoni eżistenti mill-perspettiva tal-manifattura addittiva.

1.15.

Tħassib prinċipali huwa li l-apparat mediku jiġi kkunsidrat bħala prodott industrijali u għaldaqstant jista’ jirċievi ċertifikazzjoni minn entitajiet privati. Għal din ir-raġuni, jeħtieġ li tiġi żviluppata ċertifikazzjoni ta’ garanzija tal-kwalità aktar speċifika u adatta. Il-KESE jappoġġja r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta’ April 2014 dwar l-apparat mediku.

1.16.

Għandha tingħata attenzjoni speċjali lir-rwol tal-programmi ta’ riċerka spazjali, li jistgħu jwasslu wkoll għal innovazzjonijiet ewlenin fil-qasam mediku.

1.17.

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tniedi studju dwar l-inġinerija bijomedika fl-Ewropa li janalizza l-benefiċċji tagħha għall-industrija u s-servizzi tal-kura tas-saħħa. Huwa importanti ħafna li tiġi analizzata l-interrelazzjoni bejn il-politiki li jaffettwaw is-suq tas-saħħa u dawk li jirrigwardaw l-industrija tal-inġinerija bijomedika.

1.18.

Jinħtieġu mill-inqas għaxar snin biex jitwettaq programm tal-kura tas-saħħa koerenti li jistinka biex ikun hemm applikazzjoni effettiva ta’ teknoloġiji ġodda fil-kura tas-saħħa. Dan imur kontra dak li qed taħseb il-Kummissjoni Ewropea meta tagħti ħames snin biss għal dan il-għan, li jfisser li l-viżjonijiet u l-istrateġiji jinbidlu kontinwament. Hemm bżonn kbir ta’ viżjoni stabbli u objettivi fissi bħala l-pedament għal kura tas-saħħa effiċjenti fil-futur. Jeħtieġ li jiġu żgurati kura tas-saħħa għal kulħadd u aċċess ugwali għal din il-kura permezz tal-innovazzjoni tal-prodott u tas-servizz, kif ukoll perspettiva fit-tul u strateġiji u politiki konsistenti biex jintlaħqu l-objettivi.

2.   Introduzzjoni

2.1.

“L-ambizzjoni kondiviża tagħna għandha tkun li nkunu nistgħu niżguraw li kull ċittadin Ewropew ikun diġitali, konness u b’saħħtu, u li l-Ewropa tieħu din l-opportunità u tkun minn ta’ quddiem f’dan is-suq innovattiv ħafna u li qed jikber”: Neelie Kroes, li qabel kienet il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea.

2.2.

“L-inġinerija bijomedika hija xjenza interdixxiplinari bbażata fuq il-mediċina, il-bijoloġija u l-inġinerija. Hija fundamentali għal firxa ta’ teknoloġiji innovattivi ħafna u prodotti jew proċessi tas-settur tal-kura tas-saħħa. L-inġinerija bijomedika għandha tinftiehem bħala dixxiplina indipendenti biex ir-riżorsi jintużaw aħjar u l-opportunitajiet korrispondenti jitwettqu bis-sħiħ. Għaldaqstant huwa importanti li l-UE tirrikonoxxi l-potenzjal sħiħ tal-inġinerija bijomedika u konsegwentement tippromovi r-riċerka kollaborattiva f’dan il-qasam”. Dan huwa l-mod kif ġiet definita l-inġinerija bijomedika fil-workshop ta’ politika esperta dwar l-inġinerija bijomedika li sar fil-Parlament Ewropew fis-27 ta’ Marzu 2012.

2.3.

L-inġinerija bijomedika jew l-inġinerija medika u bijoloġika tinkludi oqsma bħalma huma l-elettronika bijomedika, il-bijomekatronika, il-bijostrumentazzjoni, il-bijomaterjali, il-bijomekkanika, il-bijonika, l-inġinerija ċellolari, tat-tessuti u dik ġenetika, l-inġinerija klinika, l-inġinerija applikata għan-newroxjenza, dijanjostika u l-immaġni medika, il-bijoinġinerija ortopedika, l-inġinerija tar-riabilitazzjoni, il-fiżjoloġija tas-sistema, il-bijonanoteknoloġija u l-inġinerija newrali.

2.4.

L-inġinerija bijomedika hija settur ewlieni għall-kompetittività Ewropea. Hawn taħt qed tiġi elenkata xi data (3):

Attwalment, id-daqs tas-suq huwa ta’ EUR 100 biljun (huwa stmat li s-suq dinji ser jammonta għal $ 514-il biljun sal-2020);

25  000 kumpanija, li minnhom 90 % huma SMEs;

5 75  000 impjieg;

is-settur bl-akbar ammont ta’ applikazzjonijiet għal privattivi: 10  412 fl-2012;

prodott b’ċiklu tal-ħajja qasir (madwar 18-il xahar);

Fil-qafas tal-Orizzont 2020, l-UE talloka EUR 8 biljun għar-riċerka fil-qasam tas-saħħa (minn EUR 80 biljun fuq perjodu ta’ 7 snin).

Fis-sħubija tal-Ewropa għas-saħħa tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (is-sħubija 2008-2024) – EUR 5 biljun (50 % KE, 50 % Federazzjoni Ewropea tal-Industriji u l-Assoċjazzjonijiet Farmaċewtiċi (EFPIA)) (4).

2.5.

It-tixjiħ tas-soċjetà, il-mard kroniku li dejjem jiggrava u l-ispejjeż dejjem jiżdiedu tal-kura tas-saħħa qed isiru sfidi globali. Peress li t-teknoloġija għandha rwol ewlieni fis-settur tas-servizzi tas-saħħa u tal-kura, ir-riċerka, l-innovazzjoni, il-kwistjonijiet ta’ sigurtà u l-attivitajiet ta’ żvilupp fil-qasam tal-inġinerija bijomedika u li huma relatati mas-servizzi mediċi u tal-kura huma sfidi kbar u ta’ importanza soċjoekonomika dejjem akbar fis-soċjetà tal-lum.

2.6.

Stat ta’ saħħa tajjeb huwa essenzjali għall-benesseri, il-prosperità ekonomika u l-iżvilupp sostenibbli. Is-settur tas-saħħa huwa mmexxi minn progress xjentifiku u teknoloġiku, li jaffettwa l-impjiegi, l-innovazzjoni, l-iżvilupp sostenibbli u t-tkabbir. Skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), it-teknoloġija tas-saħħa hi importanti biex tiżdied il-kwalità tas-servizzi tas-saħħa u tal-kura tas-saħħa, u anke biex jinsabu soluzzjonijiet għall-problemi tas-saħħa u titjieb il-kwalità ta’ ħajjet in-nies.

2.7.

Fost l-isfidi ewlenin hemm:

l-enfasi fuq prevenzjoni mtejba u dijanjożi bikrija billi jintużaw teknoloġiji ġodda;

mediċina bbażata fuq l-effiċjenza u mhux biss mediċina bbażata fuq l-evidenza (pereżemppju l-implimentazzjoni ta’ proċessi ġodda fil-kura tas-saħħa permezz ta’ appoġġ teknoloġiku bħat-teleservizzi);

evidenza ta’ kosteffiċjenza, li sikwit tkun diffiċli ħafna minħabba s-sistemi ta’ finanzjament eteroġeni fil-qasam tal-kura tas-saħħa fl-Ewropa;

sitwazzjonijiet li jinvolvu diversi partijiet interessati u interessi li jikkompetu bejn partijiet interessati differenti;

skont il-klassifika tat-tagħmir mediku u l-invenzjoni, il-fatt li jistgħu jgħaddu 10 snin mill-fażi ta’ meta tinbet l-idea sal-fażi ta’ rimborż;

jiġu ffaċilitati azzjonijiet kost-effikaċi, ibbażati wkoll fuq teknoloġiji emerġenti, inkluż remotament, billi jistabbilixxu sistemi adatti ta’ rimborż.

2.8.

Il-qasam il-ġdid tal-mediċina preċiża (5) jista’ jindirizza dan li ġej:

Il-fatt li kull pazjent huwa differenti: sekwenzi uniċi;

il-ħtieġa għal mediċina prodotta apposta;

il-kolonji ta’ ċelloli huma ġenetikament differenti u jikkoeżistu fil-kanċer;

is-subkolonji ta’ ċelloli jfeġġu wara t-trattament permezz ta’ selezzjoni jew permezz ta’ mutazzjonijiet ġodda;

l-effikaċja tat-trattament tiddependi mill-kompożizzjoni ġenetika;

il-pronjożi bbażata fuq is-sekwenzar tista’ taġġusta l-gravità tat-trattament

2.9.

Għalkemm id-dixxiplina tal-inġinerija bijomedika ġiet rikonoxxuta fl-1998 mir-Raba’ Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, il-politika attwali tal-UE f’dan il-qasam hija frammentata. L-inġinerija bijomedika fl-Istati Uniti hija trattata bħala dixxiplina separata, b’tekniki analitiċi u metodoloġiċi distinti.

2.10.

L-OECD tiddikjara li, fl-2012, in-nefqa medja ġenerali fuq is-saħħa ammontat għal 9,3 % tal-PDG fil-pajjiżi tal-OECD, filwaqt li fl-Istati Uniti ammontat għal 16,9 % tal-PDG, li huwa l-ogħla proporzjon fl-OECD (6). Fl-Ewropa, medja ta’ 10,4 % tal-PDG jintefqu fuq il-kura tas-saħħa. Madwar 7,5 % minn dan l-ammont huma allokati għat-teknoloġiji mediċi, b’differenzi konsiderevoli bejn l-Istati Membri tal-UE. Barra minn hekk, in-nefqa fuq it-teknoloġija medika fl-Ewropa hija ta’ madwar EUR 195 per capita (medja ponderata), meta mqabbel ma’ EUR 380 per capita fl-Istati Uniti (7).

2.11.

L-inġinerija bijomedika hija mistennija tkun is-suq tax-xogħol li jikber bl-aktar rata mgħaġġla fl-Istati Uniti fis-snin li ġejjin. Skont il-Bureau tal-Istati Uniti dwar l-istatistika tax-xogħol (BLS – Bureau of Labor Statistics), l-impjieg ta’ inġinier bijomediku huwa mistenni jikber b’27 % bejn l-2012 u l-2022 (8).

2.12.

Fl-2012 u l-2013, il-professjoni ta’ inġinier bijomediku ġiet l-ewwel fil-klassifikazzjoni tal-aħjar impjiegi fl-Amerika (Best Jobs in America) (9).

2.13.

Fl-Ewropa, is-settur direttament jimpjega madwar 5 75  000 persuna, ħafna minnhom f’impjiegi innovattivi li jirrikjedu livell għoli ta’ ħila u huma ta’ valur miżjud kbir. Jeżistu kważi 25  000 kumpanija tat-teknoloġija medika, u 95 % minnhom huma SMEs iddedikati wkoll biex jinvestu fir-riċerka u l-iżvilupp. Id-daqs tas-suq huwa stmat għal madwar EUR 100 biljun. Abbażi tal-prezzijiet tal-manifattur, is-suq tat-teknoloġija medika fl-Ewropa huwa stmat għal madwar 30 % tas-suq dinji. Huwa t-tieni l-akbar suq tat-teknoloġija medika wara l-Istati Uniti (madwar 40 % tas-suq dinji) (10).

2.14.

Il-Kummissjoni Ewropea qed tirrevedi b’mod attiv il-leġislazzjoni u r-rekwiżiti teknoloġiċi għall-apparat u d-dijanjostika u hija involuta fix-xandir dirett fl-internet (webstreaming) tal-għarfien u l-ħiliet.

2.15.

L-industrija tat-teknoloġija medika tikkontribwixxi b’mod konsiderevoli għall-ekonomija Ewropea u l-kompetittività billi tipprovdi għadd kbir ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja, tattira investiment esoġenu sostanzjali u toħloq ċentri ta’ innovazzjoni. Dan is-settur joffri potenzjal enormi fis-suq globali għall-industrija Ewropea, potenzjal li għandu jiġi sfruttat.

2.16.

In-nanoteknoloġiji jaqdu rwol importanti ħafna (11). Issa jista’ jkollna approċċi nano u tal-bijomaterjali innovattivi:

għall-kanċer,

l-aterosklerożi,

il-marda tal-Alzheimer,

id-dijabete,

l-artrite,

l-oftalmoloġija,

l-indebolimenti,

il-mard infettiv u infjammatorju.

Is-sitwazzjoni attwali fl-UE: aktar minn 700 kumpanija fil-qasam tan-nanomediċina u l-bijomaterjali fl-UE: EUR 650 miljun investiti fis-Seba’ Programm Kwadru (12).

2.17.

Eżempju tajjeb ħafna tal-kooperazzjoni indispensabbli f’dan il-qasam jinsab fir-Reġjun Fjamming, il-Belġju, u huwa intitolat “MedTechFlanders” (13). Dan jindirizza b’mod komprensiv il-bżonnijiet kollha meħtieġa biex isir progress fl-implimentazzjoni tal-innovazzjoni bijomedika – mill-kooperazzjoni transettorjali sal-ottimizzazzjoni tal-proċess, l-użu effiċjenti tar-riżorsi umani, l-aspetti finanzjarji u aktar.

Din il-kooperazzjoni tgħin lill-kumpaniji eżistenti tal-MedTech kif ġej:

in-netwerking intern u l-iskambju tal-għarfien;

il-viżibbiltà esterna;

il-kondiviżjoni tat-tagħmir u l-infrastruttura;

il-kwistjonijiet regolatorji u ta’ kwalità (QARA – Quality Assurance And Regulatory Affairs)

ir-riżorsi umani u r-reklutaġġ;

ir-rimborż;

l-aċċess għall-kapital;

kowċing intraprenditorjali;

l-iżvilupp ta’ kumpaniji/attivitajiet ġodda;

l-amalgamazzjoni tal-kliniċisti, it-tekniki u l-intraprendituri;

l-użu tat-teknoloġija u l-innovazzjoni fuq il-pazjenti;

it-tisħiħ tal-ekosistema ġenerali;

appoġġ aħjar għall-provi kliniċi;

sistemi għall-ġbir tad-data;

kura tas-saħħa aktar effiċjenti u (kost)effiċjenti.

3.   Kummenti

3.1.

L-opportunitajiet li jirriżultaw minn trattament dejjem aktar personalizzat u mid-disinn sofistikat ta’ mediċina, apparat, trattament, software, eċċ. maħluqa apposta qed iwasslu għal opportunitajiet ġodda għall-industriji Ewropej u l-SMEs. Barra minn hekk, is-settur enormi u li għadu qed jikber malajr tal-kura ġenerali tal-anzjani, ta’ persuni b’diżabbiltà, u dawk b’mard kroniku, speċjalment il-kura fid-dar, jagħmel l-għajxien megħjun kuntestwalment kwistjoni importanti li għandha tiġi kkunsidrata, peress li dan itejjeb il-kwalità tal-ħajja u s-sigurtà fid-dar, speċjalment għal nies li ma jifilħux iħallsu biex jidħlu f’faċilitajiet tal-kura. It-teknoloġiji ġodda għandhom itejbu s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u jipprovdu aktar ħin biex il-persunal jagħti assistenza personali lit-tfal, l-anzjani, il-persuni b’diżabbiltà u dawk li jbatu minn mard kroniku.

3.2.

Fit-2 ta’ April 2014, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni leġislattiva dwar il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal Regolament dwar l-apparat mediku. Waħda mill-miżuri li hija partikolarment importanti hija l-involviment tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) fir-regolamentazzjoni dwar l-apparat mediku, jiġifieri fid-determinazzjoni u l-monitoraġġ ta’ korpi nnotifikati; miżura oħra tikkonċerna t-tisħiħ tar-rwol ta’ korpi oħra, inkluż il-Grupp il-ġdid ta’ Koordinazzjoni dwar l-Apparat Mediku (Medical Devices Coordination Group – MDCG), magħmul minn rappreżentanti tal-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri, u l-Kumitat ta’ Valutazzjoni għall-Apparati Mediċi (Assessment Committee for Medical Devices – ACMD), grupp ta’ esperti xjentifiċi li jgħin lill-MDCG. Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tista’ tintroduċi rekwiżiti mtejba ta’ kompetenza għall-korpi nnotifikati kif ukoll għall-“korpi nnotifikati speċjali” (SNB) għal kategoriji speċifiċi ta’ apparat.

3.3.

L-Inizjattiva dwar Mediċini Innovattivi (IMI), li tnediet fl-2008, hija l-ikbar inizjattiva pubblika-privata tal-Ewropa. L-għan tagħha huwa li tħaffef l-iżvilupp ta’ mediċini aħjar u aktar sikuri għall-pazjenti billi tappoġġja proġetti ta’ riċerka kollaborattiva u tibni netwerks ta’ esperti industrijali u akkademiċi, sabiex tissaħħaħ l-innovazzjoni farmaċewtika fl-Ewropa.

3.4.

It-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT) applikati għas-sistemi tas-saħħa u tal-kura tas-saħħa jistgħu jżidu l-effiċjenza ta’ dawn is-sistemi, itejbu l-kwalità tal-ħajja, u jisfruttaw l-innovazzjoni fis-swieq tas-saħħa. L-għan tal-Pjan ta’ Azzjoni l-ġdid dwar is-saħħa elettronika huwa li jindirizza u jneħħi l-ostakli eżistenti għall-iżvilupp ta’ sistema tas-saħħa elettronika kompletament żviluppata u interoperabbli fl-Ewropa, b’konformità mal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa. L-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali, li jistabbilixxi n-netwerk tas-saħħa elettronika, jirrappreżenta pass ulterjuri lejn il-kooperazzjoni formali tas-saħħa elettronika bejn l-Istati Membri.

3.5.

F’dan il-kuntest, għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-preskrizzjoni elettronika. Il-Greċja wriet l-aħjar prattiki fir-rigward tal-preskrizzjonijiet elettroniċi li jagħtu prova li s-saħħa elettronika mhux lussu, iżda neċessità. L-ewwel abbozz ta’ linji gwida tal-UE dwar il-preskrizzjoni elettronika, li kellu jiġi adottat f’Novembru 2014, huwa maħsub biex jiffaċilita l-interoperabbiltà transkonfinali tal-preskrizzjonijiet elettroniċi, biex dawn ikunu jistgħu jiġu pproċessati b’mod faċli fi kwalunkwe pajjiż tal-Unjoni Ewropea.

3.6.

Fil-qafas tal-Future internet Challenge eHealth (FICHe), proġett kollaborattiv ta’ koordinazzjoni u appoġġ ikkofinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea, hemm finanzjament disponibbli għall-SMEs u l-istart-ups Ewropej fil-qasam tas-saħħa elettronika li jixtiequ jiżviluppaw applikazjonijiet innovattivi fil-qasam tas-saħħa elettronika bl-użu tat-teknoloġija FIWARE.

3.7.

Il-mediċina avvanzata għandha:

tkun intelliġenti kullimkien, tiggarantixxi l-mobbiltà anke għal persuni b’mard serju;

timxi minn kura reattiva lejn strateġiji preventivi;

timxi minn approċċi fuq skala kbira lejn approċċi personalizzati;

iżżid l-għoti ta’ setgħa u l-parteċipazzjoni tal-pazjenti;

ittejjeb il-mekkaniżmi għall-protezzjoni tad-data.

3.8.

L-apparati, il-materjali u l-proċessi innovattivi kif ukoll il-bidla rapida f’oqsma bħall-bijoteknoloġija qed jirrikjedu dejjem aktar leġislazzjoni flessibbli mingħajr burokrazija addizzjonali li tittardja l-aċċess tal-pazjent għal teknoloġiji innovattivi. F’dan il-każ, jidher li l-użu ta’ atti delegati huwa adatt jekk dawn jikkonċernaw ir-rekwiżiti tekniċi.

4.   Sfidi u opportunitajiet

4.1.

Skont il-Federazzjoni Internazzjonali għall-Inġinerija Medika u Bijoloġika (International Federation for Medical and Biological Engineering – IFMBE), jeżistu sfidi u opportunitajiet għall-inġinerija bijomedika fl-oqsma li ġejjin:

l-ICT fil-mediċina u l-kura tas-saħħa;

il-kirurġija minimament invażiva;

is-sensuri bijomediċi;

id-dijanjostika;

l-immaġni medika u l-viżwalizzazzjoni tad-data;

il-materjali intelliġenti;

l-inġinerija ċellulari u taċ-ċelloli staminali;

in-nanoteknoloġija;

l-immudellar u s-simulazzjoni tas-sistemi fiżjoloġiċi u l-ġisem tal-bniedem inġenerali.

4.2.

Permezz tal-użu dejjem aktar effiċjenti tal-apparat mediku u tal-użu konġunt tal-apparat mediku u l-mediċina (jiġifieri l-elettrokimoterapija), il-kanċer issa huwa kkunsidrat bħala marda kronika, fejn l-istennija u l-kwalità tal-ħajja kważi ttriplikaw f’dawn l-aħħar għaxar snin.

4.3.

It-teknoloġija medika innovattiva tipprovdi benefiċċji importanti ħafna għaċ-ċittadini Ewropej billi tgħinhom jgħixu ħajja aktar f’saħħithom u itwal. Ħafna nies li kienu morda b’mard kroniku, kellhom diżabbiltà, jew li kienu jsofru minn uġigħ kroniku issa jistgħu jgħixu ħajja normali jew kważi normali. Dawn huma ftit eżempji:

L-użu ta’ stents koronarji fit-trattament tal-mard kardjovaskulari naqqas l-għadd ta’ mwiet minħabba l-attakki tal-qalb jew l-insuffiċjenza tal-qalb.

Il-pazjenti li jbatu mid-dijabete issa għandhom aċċess għal teknoloġiji ta’ monitoraġġ taz-zokkor fid-demm preċiżi ħafna, li jnaqqas ir-riskju ta’ kumplikazzjonijiet tad-dijabete bħall-għama u l-ħsara fin-nerv periferali.

L-użu ta’ tekniki kirurġiċi minimament invażivi għat-trattament ta’ anewriżmi jippermetti żmien ta’ rkupru ta’ madwar erba’ ġimgħat, meta mqabbel ma’ aktar minn sena fil-każ tal-proċeduri antiki.

4.4.

Il-qasam innovattiv tal-istampar 3D għandu rwol ewlieni x’jaqdi fil-futur tal-għoti ta’ setgħa lit-tobba, ir-riċerkaturi u l-manifatturi ta’ apparati mediċi. It-teknoloġiji tal-istampar 3D jippermettu personalizzazzjoni f’firxa wiesgħa ta’ applikazzjonijiet fil-qasam mediku, u jipproduċu apparati li huma perfettament adatti għal individwu partikolari. Diġà hemm għadd ta’ oqsma ta’ applikazzjoni għall-istampar 3D bl-użu ta’ materjali speċjalizzati li għandhom jissodisfaw standards stretti u riġidi ta’ bijokompatibbiltà (bijokompatibbli, materjali li jiġu f’kuntatt mal-mediċini, eċċ.). Barra minn hekk, hija maħsuba leġislazzjoni li tkopri t-trattament ta’ prodotti magħmula minn stampaturi 3D u d-definizzjoni ta’ dawn il-prodotti fil-qasam mediku.

5.   Edukazzjoni dwar l-inġinerija bijomedika u l-iżvilupp fl-Ewropa

5.1.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 u l-21 ta’ Marzu 2014 ħeġġew lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri “biex jindirizzaw bħala prijorità n-nuqqasijiet fil-qasam tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (il-ħiliet STEMS), b’aktar involviment tal-industrija”.

5.2.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tiżgura segwitu adegwat għal din it-talba tal-Kunsill Ewropew fil-livell Ewropew, dak nazzjonali u dak lokali.

5.3.

L-istrateġija futura Ewropa 2020 għandha tinkludi miżuri li jippromovu l-kwalità u d-disponibbiltà tal-ħiliet STEM kemm fis-settur privat kif ukoll f’dak pubbliku.

5.4.

L-inġinerija bijomedika għas-servizzi mediċi u tal-kura jistgħu jaqdu rwol ewlieni fl-indirizzar tal-isfidi ġenerali tas-soċjetà bħat-tibdil demografiku, it-tnaqqis tal-bażi tat-taxxa, u ż-żieda fid-domanda għal faċilitajiet tal-kura tas-saħħa.

5.5.

F’dan ir-rigward, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tirrikonoxxi li jinħtieġ għadd kbir ta’ inġiniera bijomediċi sabiex jiġu żgurati l-ippjanar, il-valutazzjoni, il-manutenzjoni regolari u l-immaniġġjar tal-apparat mediku kif ukoll it-taħriġ dwar l-użu sikur tiegħu fis-sistemi tal-kura tas-saħħa madwar id-dinja (14).

5.6.

L-Istati Membri għandhom jadottaw programmi tal-kura tas-saħħa fit-tul u koerenti u pjani ta’ azzjoni biex jiġu żviluppati riċerka innovattiva, teknoloġiji ġodda u edukazzjoni ta’ kwalità għolja fl-inġinerija bijomedika u f’oqsma rilevanti oħra tal-inġinerija.

5.7.

L-UE għandha tippromovi suq uniku Ewropew għall-industrija tat-teknoloġija medika, fost affarijiet oħra permezz ta’ standardizzazzjoni adegwata fil-qasam tal-inġinerija bijomedika flimkien mal-industrija tas-servizzi tal-kura, l-ICT u l-informatika tas-saħħa. Dan jista’ joffri vantaġġi enormi għall-industrija Ewropea u jtejjeb il-kwalità tal-kura medika.

5.8.

Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-SMEs, pereżempju fir-rigward tal-aċċess tagħhom għall-finanzjament għall-istart-ups u l-promozzjoni ta’ kooperazzjoni innovattiva bejn l-SMEs u l-istituzzjonijiet rilevanti tar-riċerka u għandhom jittieħdu passi biex tiġi ffaċilitata l-kummerċjalizzazzjoni tal-invenzjonijiet tagħhom.

5.9.

L-inġinerija bijomedika hija l-aktar dixxiplina tal-inġinerija li qed tikber malajr u llum il-ġurnata hija kkunsidrata bħala waħda mill-aktar karrieri promettenti. Hija pont bejn id-dixxiplini tal-mediċina u l-bijomediċina u dik tal-inġinerija, u ssaħħaħ u żżid l-effiċjenza tal-kura tas-saħħa b’mod ġenerali. L-inġiniera bijomediċi jiddisinnjaw u jibnu apparati innovattivi bħal riġlejn u dirgħajn u organi artifiċjali, magni tal-immaġni tal-ġenerazzjoni l-ġdida u proteżi avvanzati; u jtejbu l-proċessi għall-ittestjar ġenetiku jew jagħmlu u jamministraw il-mediċina.

5.10.

Filwaqt li l-Istati Uniti għamlu progress fl-iżvilupp tal-opportunitajiet ta’ edukazzjoni u taħriġ fil-qasam tal-inġinerija bijomedika, l-Ewropa, minkejja settur kbir ta’ inġinerija medika bijoteknoloġika u bijoloġika u sistemi edukattivi eċċellenti, kellha diffikultajiet fil-ħolqien ta’ standards uniformi minħabba ostakli ġurisdizzjonali nazzjonali persistenti. L-inizjattiva BIOMEDEA, li tnediet fl-2004, għandha l-għan li tiżviluppa u tistabbilixxi standards edukattivi u professjonali f’dan il-qasam.

5.11.

L-inġinerija bijomedika għandha tiġi rikonoxxuta fid-Direttiva tal-UE dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (15).

5.12.

L-istrateġiji Ewropej u nazzjonali tas-servizzi tas-saħħa u tal-kura tas-saħħa u l-politiki ta’ riċerka tal-universitajiet għandhom jikkomplementaw lil xulxin sabiex jiżguraw bażi wiesgħa ta’ għarfien u esperjenza li tippermetti kollaborazzjoni mal-industrija (b’mod partikolari l-SMEs), il-ħolqien ta’ fergħat mill-istart-ups u t-twaqqif ta’ kollaborazzjonijiet internazzjonali. Is-sejħiet għandu jkollhom l-għan li jintegraw teknoloġiji emerġenti ġodda u x-xjenza bijoloġika u medika sabiex l-Ewropa ssir il-mexxej globali fil-qasam tat-teknoloġija medika (li tindirizza l-isfidi mediċi reali).

5.13.

Fil-qafas tal-proġett CRH-BME Tempus, 150 università madwar l-Ewropa qed joffru total ta’ 309 programmi tal-inġinerija bijomedika fil-livell ta’ BSc, MSc u PhD. Il-programm tal-Masters Ewropew CEMACUBE, stabbilit fil-qafas tal-programm Erasmus Mundus tal-Kummissjoni Ewropea għall-2009-2013, għandu l-għan li jrawwem kooperazzjoni bejn istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla u l-persunal akkademiku fl-Ewropa u f’pajjiżi terzi. L-Erasmus Mundus m’għadux jiffunzjona bħala programm ta’ kors, li jfisser li m’għadx hemm aktar boroż ta’ studju CEMACUBE disponibbli.

Brussell, it-23 ta’ April 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  J.F. Kennedy, André C Linnenbank, EAMBES (seduta tal-KESE).

(2)  Manfred Bammer, Kap ta’ Biomedical Systems, AIT (seduta tal-KESE).

(3)  Ruxandra Draghia-Akli, Direttur tas-Saħħa, DĠ Riċerka u Innovazzjoni, Kummissjoni Ewropea (seduta tal-KESE).

(4)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3..

(5)  Prof. Ștefan N. Constantinescu, Kap tal-Unità tat-Trasduzzjoni tas-Sinjali u l-Ematoloġija Molekulari. Membru tal-Ludwig Institute for Cancer Research Ltd, de Duve Institute, Université Catholique de Louvain. (seduta tal-KESE).

(6)  Statistika dwar is-Saħħa tal-OECD 2014.

(7)  The European Medical Technology Industry in Figures. (L-industrija tat-teknoliġija medika Ewropa espressa f’ċifri). MedTech Europe 2013.

(8)  http://www.bls.gov/ooh/architecture-and-engineering/biomedical-engineers.htm

(9)  http://money.cnn.com/pf/best-jobs/2013/snapshots/1.html

(10)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 7.

(11)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar “‘Nanoscience and nanotechnology – Action Plan 2005-2009” (In-nanoxjenza u n-nanoteknoloġija – Pjan ta’ Azzjoni 2005-2009) (ĠU C 185, 8.8.2006, p. 1).

(12)  Nicolas Gouze, Segretarju Ġenerali tal-Pjattaforma Ewropea għat-Teknolġija dwar in-Nanoteknoloġija (seduta tal-KESE).

(13)  Prof. Pascal Verdonck NCBME, Professur anzjan tal-“inġinerija bijomedika’, Università ta’ Ghent, Direttur tal-Istitut Maria Middelares”, Ghent (seduta tal-KESE).

(14)  Sit elettroniku tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, aġġornat l-aħħar fit-23 ta’ Marzu 2015: http://www.who.int/medical_devices/support/en/

(15)  André C Linnenbank, Segretarju Ġenerali EAMBES (seduta tal-KESE).


III Atti preparatorji

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

Il-507 Sessjoni Plenarja tal-KESE fit-22 u t-23 ta' April 2015

4.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 291/54


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Id-dimensjoni urbana tal-politiki tal-UE – Aspetti prinċipali tal-Aġenda Urbana tal-UE”

[COM(2014) 490 final]

(2015/C 291/08)

Relatur:

Etele BARÁTH

Nhar it-18 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Id-dimensjoni urbana tal-politiki tal-UE – Aspetti prinċipali tal-Aġenda Urbana tal-UE

[COM(2014) 490 final].

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-26 ta’ Marzu 2015.

Matul il-507 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-22 u t-23 ta’ April 2015 (seduta tat-23 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’151 vot favur, 2 voti kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-kriżi finanzjarja persistenti għadha qed tfixkel it-tkabbir tal-kompetittività ekonomika tal-UE, it-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali u territorjali u saħansitra ż-żamma ta’ din il-koeżjoni fil-livell attwali tagħha. Attwalment, l-Unjoni tinsab iżjed ‘il bogħod milli kienet fl-2010 fir-rigward tal-ksib tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020, minħabba l-politiki Ewropej jew, b’mod aktar preċiż, in-nuqqas tal-implimentazzjoni tagħhom.

1.2.

Il-KESE huwa tal-opinjoni li l-Kummissjoni Ewropea l-ġdida li bdiet il-mandat tagħha reċentement, u l-linjii gwida li ppubblikat dwar “Bidu ġdid għall-Ewropa” ser ikollhom impatt konsiderevoli fuq l-iżvilupp tal-bliet u taż-żoni urbani u, għaldaqstant, fuq il-kontenut tal-aġenda urbana, peress li jiddefinixxu prijoritajiet ġodda fl-oqsma tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-governanza, l-iżvilupp ta’ strumenti ekonomiċi u finanzjarji u fil-qasam tat-teħid ta’ riskji, kif ukoll fl-oqsma tal-iżvilupp tal-kapital uman u tal-infrastrutturi fiżiċi u saħansitra tal-ħolqien ta’ netwerks fil-livell Ewropew.

1.3.

Il-KESE jemmen li, fid-dawl tar-riżorsi finanzjarji l-ġodda u l-arranġamenti għall-użu tagħhom, ir-riforma tal-governanza ekonomika u t-titjib tal-effiċjenza u l-effettività tagħha jirrikjedu li jerġa’ jiġi evalwat ir-rwol tal-bliet u ż-żoni urbani fl-iżvilupp ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi u l-istabbiliment tal-kundizzjonijiet ambjentali u soċjali meħtieġa u li jiġi żgurat li dan ir-rwol ikun aktar adatti għall-kompiti inkwistjoni.

1.4.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li, b’mod parallel għat-tfassil u l-adozzjoni ta’ aġenda urbana, l-għanijiet stabbiliti fil-programmi operazzjonali jiġu adattati għall-kundizzjonijiet emendati mill-programmi ta’ investimenti strateġiċi li, skont il-ftehimiet ta’ sħubija attwali, jużaw ukoll il-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni Ewropej. It-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ strumenti u mudelli ġodda ta’ finanzjament jistgħu jkunu meħtieġa biex jiġi stabbilit żvilupp urban integrat.

1.5.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jikkonferma u jikkompleta l-pożizzjonijiet stabbiliti fl-opinjonijiet preċedenti tiegħu li, biex jingħelbu n-nuqqasijiet attwali, huwa importanti, opportun u meħtieġ li titfassal aġenda urbana u li din tikkostitwixxi politika Ewropea komprensiva. Minn issa sal-2050, 80 % tal-popolazzjoni tal-UE ser ikunu qed jgħixu f’żoni urbani. Il-prosperità tal-Unjoni diġà tiddependi mill-prosperità tal-bliet.

1.6.

Jista’ jinħoloq valur miżjud konsiderevoli billi r-riżorsi tal-bliet u s-sistemi reġjonali tagħhom jintużaw aktar, jiġu sfruttati l-vantaġġi ekonomiċi u soċjali tal-governanza f’diversi livelli u jkun hemm koordinazzjoni territorjali u urbana tal-politiki settorjali differenti. Iżda dan jirrikjedi wkoll approċċ ġdid u sforzi ġodda min-naħa tal-awtoritajiet Ewropej. Madankollu, in-nuqqas ta’ koordinazzjoni li jikkaratterizza l-iżviluppi jista’ jwassal biex fil-livell lokali jew reġjonali jinħolqu sitwazzjonijiet ta’ kriżi soċjali jew ambjentali li jistgħu jheddu saħansitra l-espansjoni tal-ambjent urban fis-sens wiesa’ tal-kelma.

1.7.

Bl-istess mod, is-sħubijiet li jistgħu jissawru fil-livelli differenti, il-parteċipazzjoni strutturata tad-dinja ekonomika u s-soċjetà ċivili fid-diversi stadji tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, mit-tħejjija sal-implimentazzjoni, ser joħolqu valur miżjud. Il-KESE jipproponi li jissaħħaħ ir-rwol tal-ippjanar strateġiku imsejjes fuq parteċipazzjoni demokratika wiesgħa u li jiżdiedu l-parteċipazzjoni u l-kontroll taċ-ċittadini fil-qafas tal-proċess ta’ ppjanar.

1.8.

L-aġenda urbana għandha tippermetti l-iżvilupp innovattiv u armonjuż tal-politika, l-amministrazzjoni, l-ekonomija, l-infrastruttura u r-rwol tal-atturi tas-soċjetà filwaqt li jiġi żgurat l-ikbar rispett tar-riżorsi tal-ambjent naturali.

1.9.

Il-KESE jqis li, biex jitqiegħed il-pedament tal-aġenda urbana, jeħtieġ li tiġi żviluppata wkoll strateġija għan-netwerk urban Ewropew, abbażi tar-riżultati miksuba s’issa. Strateġija bħal din ikollha l-għan li tistabbilixxi rabtiet bejn, minn naħa, il-politiki settorjali, u min-naħa l-oħra, in-netwerk ta’ agglomerazzjonijiet kif huwa attwalment stabbilit fiż-żoni kkonċernati.

1.10.

Fil-kuntest tar-reviżjoni ta’ nofs it-term tal-Istrateġija Ewropa 2020, huwa possibbli u neċessarju li jiġi żviluppat il-qafas ta’ politika urbana bi skadenza divrenzjata, fuq perjodu ta’ żmien aktar fit-tul, abbażi tal-koordinazzjoni u l-prinċipju tas-sussidjarjetà.

1.11.

Il-korp ta’ konsultazzjoni ta’ “livell għoli”, li għandu membri mit-28 pajjiż tal-UE u li ġie stabbilit sabiex tissaħħaħ il-governanza tal-istrateġiji makroreġjonali, jista’ jaqdi r-rwol ta’ gwardjan prinċipali ta’ governanza kkoordinata u bbażata fuq is-sħubija tal-politika urbana, bil-kundizzjoni li jiġu involuti l-imsieħba ekonomiċi u soċjali u dawk li jirrappreżentaw l-interessi reġjonali.

1.12.

Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni Ewropea li tiżviluppa l-kapaċitajiet ta’ ġestjoni li jippermettu t-twettiq ta’ kompiti relatati mal-implimentazzjoni kkoordinata tal-politika urbana proposta u mal-attivitajiet ta’ segwitu u ta’ evalwazzjoni tagħha. F’dan il-kuntest, għandu jiġi stabbilit grupp ta’ ħidma ta’ livell għoli dwar l-iżvilupp tal-bliet flimkien mal-Grupp Interdipartimentali fi ħdan il-Kummissjoni għall-Iżvilupp Urban. Din it-task force għandu jkollha l-kompitu li tfassal ukoll aġenda urbana Ewropea koerenti u effiċjenti, li testendi sal-2050.

2.   Il-ħtieġa li tiġi żviluppata aġenda urbana

2.1.

Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni Ewropea tenfasizza li “[g]ħalkemm ir-rwol tal-ibliet għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali u kulturali, u l-potenzjal tagħhom għal abitat aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, ilhom li ġew rikonoxxuti, ir-rispons politiku fil-livell Ewropew u nazzjonali kien miexi bil-mod u frammentat, b’ħafna inizjattivi settorjali li iżda huma integrati ħażin”.

2.2.

“Dan huwa espress b’talbiet għal aġenda urbana tal-UE li ġejjin minn firxa ta’ partijiet ikkonċernati fil-livelli tal-UE, nazzjonali u lokali. Bħala rispons għal dawn it-talbiet il-Kummissjoni Ewropea organizzat il-Forum CITIES biex tagħti bidu għal dibattitu dwar il-bżonn ta’ aġenda urbana tal-UE. Wara l-Forum CITIES, l-Istati Membri ddiskutew il-ħtieġa li tkun żviluppata aġenda urbana tal-UE, filwaqt li rrikonoxxew il-bżonn u l-aspettattivi mill-Parlament Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni, l-assoċjazzjonijiet tal-ibliet u l-ibliet infushom, u r-rieda tagħhom li jinvolvu ruħhom fil-proċess.”

2.3.

Abbażi ta’ kunsens wiesa’ bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta tagħha dwar it-tfassil ta’ aġenda urbana tal-UE għal dibattitu pubbliku.

2.4.

B’segwitu għal din l-istedina, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fassal opinjoni abbażi tal-informazzjoni magħrufa s’issa u tal-Komunikazzjoni.

2.5.

Madankollu, il-KESE jemmen li l-opinjoni tiegħu għandha tmur lil hinn mill-kwistjonijiet attwali li jikkonċernaw l-aġenda urbana u għandha tfassal linji gwida għall-perjodu fit-tul, li minn naħa, jistgħu jgħinu lill-Kummissjoni Ewropea fit-tfassil ta’ aġenda adegwata u, min-naħa l-oħra, jgħinu lill-Istati Membri jwettqu b’mod effettiv il-kompiti tagħhom fil-kuntest tal-implimentazzjoni ta’ din l-aġenda.

2.6.

Il-bliet Ewropej u n-netwerks tagħhom, minħabba l-kumplessità tagħhom u r-rwol ewlieni li qdew u ser jaqdu fil-futur fl-iżvilupp tal-kontinent u r-rwol kruċjali tagħhom fl-iżvilupp futur tal-Ewropa, jikkostitwixxu valuri uniċi u speċifiċi tal-Ewropa.

2.7.

L-Ewropa qed tiffaċċja diversi sfidi kbar marbutin mal-ekonomija, is-soċjetà f’sens wiesa’ u l-ambjent. Dawn l-isfidi huma karatterizzati minn dimensjoni territorjali iżda, fuq kollox, minn dimensjoni urbana partikolarment qawwija. B’mod ġenerali, fil-fatt il-faqar, is-segregazzjoni soċjali u saħansitra d-degradazzjoni tal-ambjent huma kkonċentrati fil-bliet jew fil-periferija tagħhom (1). Dawn il-kwistjonijiet għalhekk jirrappreżentaw sfida dejjem akbar, b’mod partikolari fil-partijiet tal-bliet li jiffaċċjaw żvantaġġi oħrajn.

2.7.1.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni lejn l-eżistenza ta’ sfidi minħabba l-migrazzjoni. Minn naħa, l-emigrazzjoni mir-reġjuni u l-bliet Ewropej li jkunu għadhom lura jew ikunu qed jiżviluppaw b’mod aktar bil-mod qed tiżdied, u dan iwassal għal telf ta’ valur konsiderevoli għat-territorji kkonċernati, filwaqt li, min-naħa l-oħra, il-proċess ta’ imigrazzjoni lejn l-UE jirrappreżenta sfida kemm kulturali kif ukoll ekonomika għas-soċjetajiet urbani.

2.8.

Fl-istess ħin, huwa prinċipalment fil-bliet u r-reġjuni ta’ madwarhom li nistgħu nsibu s-soluzzjonijiet għal dawn l-isfidi. Fil-fatt, huma ż-żoni urbani organizzati tajjeb u mmexxija b’mod għaqli li jikkostitwixxu l-aktar ambjent favorevoli għall-iżvilupp ekonomiku, l-użu effiċjenti tar-riżorsi, l-innovazzjoni ekonomika u soċjali, u l-integrazzjoni soċjali (2).

2.8.1.

Il-governanza tal-Unjoni Ewropea żviluppat b’mod konsiderevoli, b’mod partikolari permezz tar-reazzjonijiet għall-kriżi ta’ dawn l-aħħar għaxar snin. Il-messaġġi mibgħuta sal-lum il-ġurnata mill-istituzzjonijiet li raw l-emerġenza ta’ forzi ġodda kif ukoll ir-riżultati tar-reviżjoni ta’ nofs it-term tal-Istrateġija Ewropa 2020 jiffokaw l-iżjed fuq it-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi, l-innovazzjoni u l-inklużjoni soċjali.

2.8.2.

Il-preservazzjoni u l-arrikkiment tal-valuri demokratiċi Ewropej, li l-għeruq tagħhom huma marbuta b’mod intrinsiku mal-istorja tal-iżvilupp tal-bliet, jikkostitwixxu missjoni importanti ħafna għall-ġejjieni.

2.9.

Il-bliet Ewropej ta’ daqsijiet u livelli differenti ta’ żvilupp, kif ukoll in-netwerks tagħhom, huma, min-natura storika tagħhom, kemm il-gwardjani kif ukoll il-benniena ta’ dawn id-diversi rwoli u kapaċitajiet li d-dinja moderna qed tipprova tiddeskrivi permezz tal-kunċett tal-innovazzjoni.

2.9.1.

Kif uriet il-kriżi reċenti, l-ekonomija taż-żoni metropolitani tiflaħ aktar għal varjazzjonijiet ċikliċi fl-ekonomija globali. Wieħed jissuponi li din ir-reżistenza akbar hija marbuta mad-diversifikazzjoni li tikkaratterizza l-ekonomija tal-bliet kbar, ir-robustezza tar-rabtiet tagħhom u, għalhekk, il-kapaċità kbira taż-żoni metropolitani għat-tiġdid u l-adattament. Madankollu, l-aġenda urbana tal-UE għandha tagħti attenzjoni speċjali għall-iżvilupp adatt tal-ekonomija lokali, speċjalment l-intrapriżi żgħar u mikro kif ukoll il-bejgħ bl-imnut u l-artiġjanat.

2.9.2.

Parti kbira tal-problemi soċjali li huma kkonċentrati sew fil-bliet tista’ tiġi solvuta permezz ta’ soluzzjonijiet innovattivi. Kif inhu l-każ għall-ekonomija, il-bliet huma l-pjattaforma prinċipali tal-innovazzjoni soċjali fil-forom differenti tagħha. Hija l-kumplessità tas-sistemi urbani u l-mod kif jaħdmu li jippermettu t-tiġdid tal-ekonomija u l-ħolqien u t-tisħiħ ta’ forom ġodda ta’ ekonomija.

2.9.3.

Sabiex tissaħħaħ il-kapaċità għat-tiġdid, jeħtieġ li nkomplu nippromovu l-ħolqien tal-bliet f’netwerks u d-diversi forom ta’ tixrid ta’ “prattiki tajba” li jikkonċernaw l-aspetti differenti tal-politiki urbani, u b’hekk nikkontribwixxu biex inżidu l-valur miżjud Ewropew.

2.10.

Għalhekk, anke fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, jeħtieġ li tintlaqa’ b’mod pożittiv l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-tfassil ta’ aġenda urbana u jiġu appoġġjati l-isforzi bil-għan li jiġi żgurat li l-istabbiliment u l-iżvilupp tal-politika urbana jkunu r-riżultat ta’ konsultazzjoni wiesgħa.

2.10.1.

Is-soċjetà ċivili tixtieq tkompli tieħu sehem f’dan il-proċess fil-forma mġedda u strutturata tiegħu.

3.   L-Aġenda Urbana tal-UE

3.1.

Jekk l-UE sal-lum baqgħet lura – u ser tkompli tibqa’ lura fil-futur – milli tfassal politika urbana ekwivalenti sabiex tintervjeni b’mod konkret fl-iżvilupp tal-bliet, mhuwiex biss minħabba l-prinċipju tas-sussidjarjetà jew il-valuri li jirregolaw il-governanza f’diversi livelli. Huwa wkoll minħabba l-fatt li l-iżvilupp urban, u b’mod ġenerali dak taż-żoni residenzjali, huwa bbażat fuq loġika differenti li tqis id-dimensjoni spazjali bħala fattur determinati, għall-kontra tal-biċċa l-kbira tal-politiki settorjali.

3.2.

Meta l-Unjoni Ewropea żiedet objettiv ta’ koeżjoni territorjali fil-politika ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali tagħha hija ħadet pass deċiżiv billi qiegħdet l-istrumenti tagħha għas-servizz ta’ azzjonijiet li għandhom riperkussjonijiet konkreti fuq l-istruttura spazjali tas-soċjetà, l-ekonomija u l-ambjent Ewropej.

3.3.

Ir-riżultati u n-nuqqasijiet identifikati s’issa madankollu ġibdu l-attenzjoni fuq il-fatt li għalkemm il-politika ta’ koeżjoni ġiet ikkompletata b’dimensjoni territorjali, għadha ma laħqitx bis-sħiħ l-objettivi tagħha. Dan ma setax jinkiseb bis-sħiħ peress li hemm nuqqas ta’ politika ta’ konsolidazzjoni u koordinazzjoni, li tistabbilixxi linji gwida dwar:

l-implimentazzjoni fil-livell reġjonali u lokali tal-politiki settorjali żviluppati fil-livell makro u pan-Ewropew, minn naħa, u

il-kooperazzjoni individwali u awtoregolata bejn ir-reġjuni u l-muniċipji, min-naħa l-oħra (3).

3.4.

Jeħtieġ li jiġi żgurat li l-kontenut ta’ din il-politika ta’ koordinazzjoni tkun konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

3.5.

L-objettiv triplu tal-Istrateġija Ewropa 2020 – it-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv – ma jibqax biss kunċett astratt ladarba r-relazzjonijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali bejn dawn it-tliet elementi joħorġu fid-dieher b’mod konkret. L-interazzjonijiet bejniethom ser isiru f’sistemi urbani ta’ livelli differenti fejn ikunu jistgħu jiġu definiti u jitkejlu, li jippermetti l-iżvilupp effiċjenti u effettiv ta’ dan l-objettiv triplu.

3.5.1.

L-implimentazzjoni tal-objettivi fundamentali tal-UE f’sistemi urbani, pereżempju l-applikazzjoni dejjem aktar frekwenti tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni jew is-sensibilizzazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-enerġija fil-livell tal-belt (pereżempju l-inizjattivi “bliet intelliġenti”) ser jgħinu biex tissaħħaħ il-kompetittività tal-Unjoni.

3.6.

Aġenda urbana tal-Unjoni Ewropea hija possibbli biss jekk tkun ibbażata fuq l-objettivi riveduti tal-Istrateġija Ewropa 2020, l-istrateġija fit-tul tal-Kummissjoni l-ġdida appoġġjata mill-Parlament Ewropew, u abbażi ta’ kunsiderazzjoni reċiproka tal-interessi reġjonali u l-iżvilupp urban fuq perjodu twil u msejsin fuq valuri storiċi.

3.7.

L-aġenda urbana prevista għandha tiżgura li, permezz ta’ governanza li l-għan fundamentali tagħha jkun li tipprova tikseb bilanċ tajjeb, il-bliet, ir-reġjuni tagħhom, u ż-żoni metropolitani jiggarantixxu:

li l-proċessi li, minn naħa, jikkostitwixxu l-attivitajiet orjentati lejn is-suq u l-ekonomija, irregolati minn liġijiet ibbażati fuq l-interessi u, min-naħa l-oħra, tiġdid soċjali bbażat fuq valuri storiċi, jippromovu b’mod ikkoordinat it-tkabbir filwaqt li jħarsu l-ambjent;

li jiġu sodisfatti b’mod koerenti u armonjuż il-kundizzjonijiet bażiċi għat-tiġdid, jiġifieri ħaddiema kkwalifikati, sistemi għall-għoti tas-servizzi abbażi ta’ infrastruttura żviluppata u ambjent soċjali u naturali inklużiv, li lkoll huma elementi li permezz tagħhom il-bliet jikkontribwixxu b’mod essenzjali u li ma jistax jiġi sostitwit għall-attività ekonomika (4).

3.8.

L-aktar relazzjonijiet fundamentali li jeżistu bejn il-politiki Ewropej u l-iżvilupp urban jistgħu jiġu definiti fid-dawl tal-livell tal-ħaddiema u l-infrastruttura meħtieġa u l-ambjent neċessarju għall-attivitajiet differenti. Il-“produzzjoni” ta’ dawn it-tliet elementi deċiżivi hija prerogattiva tas-sistemi urbani.

3.8.1.

Għandu jitqies il-fatt li, għalkemm il-politiki tal-UE – inklużi dawk li jipprevedu miżuri ekonomiċi u finanzjarji – u l-elementi prinċipali tal-Istrateġija Ewropa 2020 huma fuq perjodu medju u twil ta’ żmien, il-medda ta’ żmien ta’ ċerti politiki settorjali Ewropej xi kultant tista’ tkun differenti ħafna. Għalhekk, fil-każ tal-iżvilupp tal-infrastruttura, dan jista’ jvarja bejn 30 u 50 sena.

3.8.2.

Il-bliet, il-kapaċitajiet u l-valuri tagħhom, is-soċjetà lokali, il-kwalità tal-ambjent mibni u l-ambjent naturali lkoll huma l-prodott ta’ proċess storiku li jimxi bil-mod, iżda dawn jevolvu wkoll u jadattaw b’rata iktar bil-mod.

3.8.3.

Ingħatat risposta għal din l-isfida permezz tar-reġjonalizzazzjoni tas-sistemi urbani, il-ħolqien ta’ netwerks urbani, it-tisħiħ tal-koordinazzjoni reġjonali u, b’mod ġenerali, permezz tal-kooperazzjoni interistituzzjonali, li lkoll huma żviluppi li jippermettu li tiġi garantita d-diversità b’mod parallel mal-ispeċjalizzazzjoni. L-istabbiltà relattiva tal-iżvilupp tal-funzjonijiet urbani, l-għarfien u l-kapaċitajiet akkumulati, kif ukoll il-kompetenza żviluppata għall-kooperazzjoni joħolqu sitwazzjoni li twassal għal tiġdid kostanti u l-innovazzjoni.

3.8.4.

Sabiex titfassal l-aġenda urbana, jeħtieġ li tinġibed l-attenzjoni għad-diversità tan-netwerks tal-bliet Ewropej u l-varjetà kbira ta’ bliet, li jagħti lok għal approċċi differenti, jiġifieri:

l-iżvilupp urban integrat, li jseħħ meta l-politiki tal-iżvilupp urban u l-għodod għad-dispożizzjoni tagħhom jkunu flessibbli biżżejjed biex jiġu applikati wkoll b’mod effettiv għall-kundizzjonijiet differenti u l-ispeċifiċitajiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali tal-bliet, u b’hekk tiġi garantita l-ottimizzazzjoni tas-sinerġiji bejn il-politiki;

il-politika divrenzjata li tiġi estiża għan-netwerk kollu tal-bliet, bil-għan li jinkiseb fehim tal-proċessi multipli ta’ kooperazzjoni bejn il-bliet Ewropej u li jkollhom influwenza ġenwina.

3.9.

Għal dan il-għan, u bil-għan li jitqiegħed il-pedament tal-aġenda urbana, jeħtieġ li tiġi żviluppata wkoll strateġija għan-netwerk urban Ewropew, ibbażat fuq ir-riżultati miksuba s’issa. L-Unjoni Ewropea tista’ b’dan il-mod tagħti valur miżjud sinifikanti lill-ġeneralizzazzjoni ta’ riżultati speċifiċi fil-qasam tal-iżvilupp urban.

3.9.1.

Strateġija bħal din ikollha l-għan li tistabbilixxi rabtiet bejn, minn naħa, il-politiki settorjali, u min-naħa l-oħra, in-netwerk ta’ agglomerazzjonijiet kif huwa attwalment stabbilit fiż-żoni kkonċernati. Jistgħu jiġu żviluppati strateġiji differenti għal diversi elementi tan-netwerk urban fi ħdan din l-istrateġija f’qafas Ewropew uniku.

3.9.2.

L-istrateġija għan-netwerk urban Ewropew tista’ tikkostitwixxi linja gwida ta’ natura territorjali li tista’ tikkomplementa l-politika settorjali tal-UE (5).

3.9.2.1.

L-istrateġija tistipula, f’qafas divrenzjat iżda fl-istess waqt uniku u bbilanċjat, linji gwida għall-iżvilupp ta’ bliet żgħar, medji u kbar u n-netwerks tagħhom, filwaqt li tikkunsidra l-ispeċifiċitajiet tal-fatturi li jaqdu rwol ċentrali f’dan l-iżvilupp.

3.10.

Riżultat pożittiv li joħroġ mill-kriżi li qed toqrob lejn tmiemha huwa l-enfasi fuq approċċ li “jmur lil hinn mill-PDG” u l-firxa ta’ interpretazzjonijiet aktar varjati u diversifikati tal-kunċett ta’ żvilupp.

3.10.1.

M’hemm l-ebda ġustifikazzjoni akbar tal-ħtieġa urġenti għal aġenda urbana mill-fatt li, b’mod deċiżiv, huma s-sistemi urbani u muniċipali li jaqdu rwol ewlieni fl-iżvilupp ta’ indikaturi li fundamentalment jirriflettu l-kwalità tal-ħajja u li jmorru lil hinn mill-fatturi li s’issa ġew inklużi fil-PDG.

4.   Funzjonijiet ta’ koordinazzjoni

4.1.

Il-miżuri regolatorji ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-perjodu 2014-2020, il-“ftehimiet ta’ sħubija” u l-programmi operattivi b’għodod għall-implimentazzjoni tagħhom mhumiex kompletament kapaċi jimlew il-lakuna li teżisti bejn is-sistema ta’ governanza makroekonomika tal-Kummissjoni, l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-għodod għall-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni. Dan jikkonferma l-ħtieġa li tiġi stabbilita politika urbana integrata.

4.1.1.

Il-politiki li jippermettu azzjonijiet integrati huma element indispensabbli ta’ proċess koordinat ta’ teħid tad-deċiżjonijiet f’diversi livelli (6).

4.1.2.

Fid-dawl tad-differenzi sistemiċi deskritti hawn fuq, huwa possibbli li jiġu inklużi b’mod settorjali l-ħtiġijiet tas-sistemi u n-netwerks urbani fil-politiki tematiċi (settorjali) permezz ta’ politika ta’ koordinazzjoni li tiffoka fuq għadd ta’ fatturi ewlenin, li tippermetti li s-sistemi, li jinbidlu u jadattaw bil-mod, jikkooperaw – prinċipalment permezz tal-iżvilupp tan-netwerks – sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet fuq perjodu qasir ta’ żmien, u li jkollha sistema ta’ ġestjoni strateġika u korp ta’ implimentazzjoni operattiv, li kapaċi jjiżviluppaw u jimplimentaw korrezzjonijiet permezz ta’ azzjonijiet ibbażati fuq monitoraġġ permanenti.

4.1.3.

Il-korp ta’ konsultazzjoni ta’ “livell għoli”, li għandu membri mit-28 pajjiż tal-UE u li ġie stabbilit sabiex tissaħħaħ il-governanza tal-istrateġiji makroreġjonali, jista’ jkun l-element nieqes, jiġifieri l-gwardjan tal-implimentazzjoni tal-politika ta’ koordinazzjoni proposta.

4.1.3.1.

Dan il-korp, fil-forma attwali tiegħu, għadu mhux żviluppat biżżejjed. Il-parteċipazzjoni tal-atturi lokali u reġjonali u l-imsieħba soċjoekonomiċi hija essenzjali fit-tfassil tal-politika u l-istrateġiji kif ukoll f’kull stadju tal-implimentazzjoni.

4.2.

Fil-kuntest tal-governanza tal-bliet u tas-sistemi reġjonali stabbiliti madwarhom, jeħtieġ li tiġi enfasizzata l-kooperazzjoni rappreżentattiva ta’ tmexxija politika eletta demokratikament, l-interessi ekonomiċi indipendenti u s-sistema tal-valuri tas-soċjetà.

4.2.1.

Għall-KESE, huwa importanti ħafna li l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili (jiġifieri r-rappreżentanti tal-gruppi soċjoekonimiċi u ta’ interessi varji) tkun element inkontestabbli tal-governanza tal-UE f’diversi livelli, u dan għandu japplika fl-istadji kollha, mill-preparazzjoni tad-deċiżjoni sal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni.

4.2.2.

Ir-rappreżentazzjoni tal-interessi orizzontali tal-politika territorjali minn naħa, u dawk soċjoekonomiċi, min-naħa l-oħra, żgurata rispettivament mill-Kumitat tar-Reġjuni u l-KESE u li tissaħħaħ b’mod reċiproku, hija element essenzjali tal-governanza tal-Unjoni (7).

4.3.

Fit-tfassil tal-aġenda urbana u b’mod partikolari fir-rigward tat-trasformazzjoni tal-governanza ekonomika u finanzjajra f’politika bbażata fuq l-iżvilupp, huwa importanti li tingħata prijorità lil għadd żgħir ta’ fatturi, li jagħmluha possibbli li jinkiseb bilanċ bejn is-sistemi diverġenti u li jistgħu jikkostitwixxu bażi għal azzjoni effettiva u effiċjenti.

4.3.1.

F’dan ir-rigward ukoll, jeħtieġ li ntennu l-proposta dwar it-twaqqif ta’ grupp ta’ livell għoli jew task force dwar l-iżvilupp tal-bliet flimkien mal-Grupp Interdipartimentali eżistenti fi ħdan il-Kummissjoni għall-Iżvilupp Urban. Din it-task force għandu jkollha l-kompitu li tiżviluppa aġenda urbana Ewropea koerenti u effiċjenti, li testendi sal-2050.

4.3.2.

Din il-proposta hija simili għal dik ippreżentata mill-Kumitat tar-Reġjuni fl-Opinjoni tiegħu COTER-V-046 (il-107 Sessjoni Plenarja tal-25 u s-26 ta’ Ġunju 2014), li skontha jeħtieġ li l-bliet u l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu involuti mill-qrib fit-tħejjija ta’ White Paper dwar politika urbana integrata, u hija wkoll konformi ma’ dak li ġie miftiehem fil-laqgħa ministerjali informali li saret matul il-Presidenza Griega (Ateni, 24 ta’ April).

Brussell, it-23 ta’ April 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  COM(2014) 490 final.

(2)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 1.

(3)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 1.

(4)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 1.

(5)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 1.

(6)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 1.

(7)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 1.


4.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 291/60


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jiffissa r-rata ta’ aġġustament prevista fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1306/2013 għall-pagamenti diretti għas-sena kalendarja 2015”

(COM(2015) 141 final — 2015/0070 COD)

(2015/C 291/09)

Nhar is-7 ta' April 2015, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jiffissa r-rata ta’ aġġustament prevista fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1306/2013 għall-pagamenti diretti għas-sena kalendarja 2015

(COM(2015) 141 final – 2015/0070 COD).

Billi l-Kumitat diġà ta fehmtu dwar il-kontenut ta’ din il-proposta fl-Opinjonijiet tiegħu ĠU C 271, 19.09.2013, p. 143, adottata fit-22 ta’ Mejju 2013 (1), u ĠU C 424, 26.11.2014, p. 73, adottata fil-5 ta' Ġunju 2014 (2) iddeċieda, matul il-507 sessjoni plenarja tiegħu tat-22 u t-23 ta’ April 2015 (seduta tat-22 ta’ April), b’152 vot favur, 2 voti kontra u 7 astensjonijiet, li ma jfassalx opinjoni ġdida dwar il-kwistjoni, iżda li jirreferi għall-pożizzjoni li ħa fid-dokumenti imsemmija.

Brussell, it-22 ta’ April 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Opinjoni tal-KESE dwar il-Proposta għal Regolament tal- Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iffissar ta’ rata ta’ aġġustament għal pagamenti diretti stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tas-sena kalendarja 2013 (ĠU C 271, 19.09.2013, p. 143).

(2)  Opinjoni tal-KESE dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iffissar ta’ rata ta’ aġġustament għall-pagamenti diretti stipulati fir- Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 għas-sena kalendarja tal-2014 (ĠU C 424, 26.11.2014, p. 73).