ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 287

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 58
1 ta' Settembru 2015


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2015/C 287/01

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.7661 — Archer Daniels Midland Company/Eaststarch) ( 1 )

1

2015/C 287/02

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.7583 — CSL/Novartis influenza vaccines business) ( 1 )

1


 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2015/C 287/03

Rata tal-kambju tal-euro

2

 

INFORMAZZJONI MILL-ISTATI MEMBRI

2015/C 287/04

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 16(4) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità — Emendi fl-obbligi tas-servizz pubbliku b'rabta mas-servizzi tal-ajru bi skeda ( 1 )

3

2015/C 287/05

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 17(5) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni għall-operat ta' servizzi tal-ajru fil-Komunità — Sejħa għall-offerti rigward l-operat ta' servizzi tal-ajru bi skeda skont l-obbligi tas-servizz pubbliku ( 1 )

4


 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA KUMMERĊJALI KOMUNI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2015/C 287/06

Notifika ta’ bidu ta’ rieżami interim parzjali tal-miżuri antidumping applikabbli għal importazzjonijiet tas-siliċju mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

5

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2015/C 287/07

Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni (Il-Każ M.7555 — Staples/Office Depot) ( 1 )

14

 

ATTI OĦRAJN

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2015/C 287/08

Notifika li tikkonċerna talba skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/17/KE — Talba magħmula minn entità kontraenti

15


 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE

MT

 


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

1.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 287/1


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.7661 — Archer Daniels Midland Company/Eaststarch)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2015/C 287/01)

Fil-25 ta’ Awwissu 2015, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss bl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

Fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta' amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32015M7661. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


1.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 287/1


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.7583 — CSL/Novartis influenza vaccines business)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2015/C 287/02)

Fis-17 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss bl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta’ amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32015M7583. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-Internet għal-liġi Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

1.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 287/2


Rata tal-kambju tal-euro (1)

Il-31 ta’ Awwissu 2015

(2015/C 287/03)

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,1215

JPY

Yen Ġappuniż

136,07

DKK

Krona Daniża

7,4629

GBP

Lira Sterlina

0,72753

SEK

Krona Żvediża

9,5032

CHF

Frank Żvizzeru

1,0825

ISK

Krona Iżlandiża

 

NOK

Krona Norveġiża

9,3585

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

27,021

HUF

Forint Ungeriż

314,70

PLN

Zloty Pollakk

4,2289

RON

Leu Rumen

4,4307

TRY

Lira Turka

3,2731

AUD

Dollaru Awstraljan

1,5753

CAD

Dollaru Kanadiż

1,4863

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

8,6920

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,7536

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,5842

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 326,96

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

14,9546

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,1579

HRK

Kuna Kroata

7,5530

IDR

Rupiah Indoneżjan

15 769,29

MYR

Ringgit Malażjan

4,6998

PHP

Peso Filippin

52,487

RUB

Rouble Russu

74,8581

THB

Baht Tajlandiż

40,200

BRL

Real Brażiljan

4,0671

MXN

Peso Messikan

18,9130

INR

Rupi Indjan

74,4698


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


INFORMAZZJONI MILL-ISTATI MEMBRI

1.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 287/3


Komunikazzjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 16(4) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità

Emendi fl-obbligi tas-servizz pubbliku b'rabta mas-servizzi tal-ajru bi skeda

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2015/C 287/04)

Stat Membru

Franza

Rotta kkonċernata

Lorient (Lann-Bihoué) — Lyon (Saint-Exupéry)

Data tad-dħul fis-seħħ tal-obbligi tas-servizz pubbliku

it-28 ta' Ġunju 1996

Data tad-dħul fis-seħħ tal-emendi

l-1 ta' Jannar 2016

Indirizz mnejn jistgħu jinkisbu t-test u kull informazzjoni u/jew id-dokumenti kollha rilevanti b'rabta mal-obbligi tas-servizz pubbliku

Sentenza tas-6 ta' Awissu 2015 li temenda s-Sentenza tat-13 ta' Ġunju 2013 li temenda l-obbligi tas-servizz pubbliku imposti fuq is-servizzi tal-ajru bi skeda bejn Lorient u Lyon

NOR: DEVA1519062A

http://www.legifrance.gouv.fr/initRechTexte.do

għal aktar tagħrif:

Direction générale de l’aviation civile

DTA/SDT/T2

50 rue Henry Farman

75720 Paris Cedex 15

FRANCE

Tel. +33 158094321

osp-compagnies.dta@aviation-civile.gouv.fr


1.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 287/4


Komunikazzjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 17(5) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni għall-operat ta' servizzi tal-ajru fil-Komunità

Sejħa għall-offerti rigward l-operat ta' servizzi tal-ajru bi skeda skont l-obbligi tas-servizz pubbliku

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2015/C 287/05)

Stat Membru

Franza

Rotta kkonċernata

Lorient (Lann-Bihoué) — Lyon (Saint-Exupéry)

Perjodu tal-validità tal-kuntratt

Mit-2 ta' Marzu 2016 sal-1 ta' Marzu 2020

Skadenza għat-tressiq tal-applikazzjonijiet u tal-offerti

Proċedura miftuħa:

it-3 ta' Novembru 2015 qabel 12.00, ħin ta' Pariġi

Indirizz mnejn jistgħu jinkisbu t-test tas-sejħa għall-offerti u kull informazzjoni u/jew id-dokumenti rilevanti relatati mas-sejħa pubblika għall-offerti u l-obbligu tas-servizz pubbliku

Chambre de commerce et d’industrie du Morbihan

21 quai des Indes

CS30362

56323 Lorient

FRANCE

Tel. +33 297024000

Faks +33 297024093

Posta elettronika: dir.juridique@morbihan.cci.fr


V Avviżi

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA KUMMERĊJALI KOMUNI

Il-Kummissjoni Ewropea

1.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 287/5


Notifika ta’ bidu ta’ rieżami interim parzjali tal-miżuri antidumping applikabbli għal importazzjonijiet tas-siliċju mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

(2015/C 287/06)

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba għal rieżami interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”).

1.   Talba għal rieżami

It-talba għar-rieżami ġiet ippreżentata mill-EUSMET - Utenti Ewropej tal-Metall tas-Siliċju (“l-applikant”), assoċjazzjoni ad hoc ta’ utenti kimiċi tal-Unjoni tas-siliċju.

Ir-rieżami interim parzjali kien ristrett fl-ambitu għall-eżami tad-dannu.

2.   Il-prodott rieżaminat

Il-prodott soġġett għal dan ir-rieżami huwa s-siliċju (“il-prodott li qed jiġi rieżaminat”), li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċi NM 2804 69 00.

3.   Il-miżuri eżistenti

Il-miżuri li bħalissa huma fis-seħħ huma dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 467/2010 (2), kif estiż għal importazzjonijiet tas-siliċju kkonsenjati mir-Repubblika tal-Korea, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea kif ukoll jekk le; u estiż għall-importazzjonijiet ta’ siliċju kkonsenjat mit-Tajwan, kemm jekk iddikjarat bħala li joriġina mit-Tajwan kif ukoll jekk le, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 311/2013 (3) (“il-miżuri eżistenti”).

Fit-28 ta’ Mejju 2015, il-Kummissjoni ppubblikat Notifika ta’ bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżura antidumping li tapplika għall-importazzjonijiet tas-siliċjuli joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (4). Sakemm ma tkunx għadha lesta l-investigazzjoni dwar ir-rieżami tal-iskadenza, il-miżuri jibqgħu fis-seħħ.

4.   Raġunijiet għar-rieżami interim parzjali

It-talba skont l-Artikolu 11(3) hija bbażata fuq evidenza prima facie ppreżentata mill-applikant, li, sa fejn għandu x’jaqsam mad-dannu, iċ-ċirkustanzi li fuqhom ġew stabbiliti l-miżuri nbidlu u li dawn il-bidliet huma ta’ natura dejjiema.

Dawn il-bidliet jirrigwardaw il-kompożizzjoni u l-istruttura tal-industrija tal-Unjoni, id-domanda għas-siliċju fl-Unjoni, is-sitwazzjoni ekonomika tal-produtturi tal-Unjoni l-mudell ta’ provvista tal-Unjoni.

Għalhekk, l-applikant jallega li l-impożizzjoni li għadha fis-seħħ tal-miżura fil-livell eżistenti, li kienet ibbażata fuq il-livell ta’ dannu stabbilit qabel, tidher li ma għadhiex meħtieġa biex tpatti għad-dumping dannuż kif stabbilit qabel.

5.   Il-Proċedura

Wara li stabbiliet, b’konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li hemm biżżejjed provi sabiex ikun iġġustifikat il-bidu ta’ rieżami interim parzjali limitat għall-eżami tad-dannu, il-Kummissjoni b’dan qed tagħti bidu għal rieżami skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

5.1.    Il-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami u l-perjodu kkunsidrat

L-investigazzjoni se tkopri l-perjodu mill-1 ta’ April 2014 sal-31 ta’ Marzu 2015 (“il-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami”).

5.2.    Il-Proċedura għad-determinazzjoni tad-dannu

Il-produtturi esportaturi (5) tal-prodott li qed jiġi rieżaminat mill-pajjiż ikkonċernat, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni(jiet) li wasslet/wasslu għall-miżuri fis-seħħ, huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

5.2.1.   L-investigazzjoni tal-produtturi esportaturi

5.2.1.1.   Il-proċedura biex jintgħażlu produtturi esportaturi li jridu jiġu investigati fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Kampjunar

Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li huma involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza, u biex tlesti l-investigazzjoni fl-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-produtturi esportaturi li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar se jsir b’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk it-teħid ta’ kampjuni huwiex meħtieġ, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi kollha, jew ir-rappreżentanti tagħhom, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri soġġetti għal dan ir-rieżami, huma hawnhekk mitluba jippreżentaw lilhom infushom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni b’tagħrif dwar il-kumpanija/kumpaniji tagħhom, kif mitlub fl-Anness I ta’ din in-Notifika.

Sabiex tikseb it-tagħrif li jidhrilha li huwa meħtieġ għall-għażla tal-kampjun ta’ produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u tista’ tikkuntattja lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi esportaturi.

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi tagħrif rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun, minbarra dak mitlub hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun hemm bżonn ta’ kampjun, il-produtturi esportaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi esportaturi kollha magħrufa, l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi esportaturi se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat jekk ikun xieraq, dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li hi meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi esportaturi li ntgħażlu għall-kampjun, lil kull assoċjazzjoni magħrufa tal-produtturi esportaturi, u lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat.

Il-produtturi esportaturi kollha magħżula biex ikunu fil-kampjun se jkollhom jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm mhux speċifikat mod ieħor.

Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-kumpaniji li jkunu qablu mal-inklużjoni possibbli tagħhom fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu fil-kampjun se jitqiesu li jkunu qed jikkooperaw (“il-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda mhux inklużi fil-kampjun”).

5.3.    L-investigazzjoni tal-importaturi mhux relatati  (6)  (7)

Importaturi mhux relatati tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni huma mistiedna jipparteċipaw f’din l-investigazzjoni.

Fid-dawl tal-għadd potenzjalment kbir ta’ importaturi mhux relatati involuti f’dan ir-rieżami interim u sabiex tlesti l-investigazzjoni fil-limitu tal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita għal għadd raġonevoli l-importaturi mhux relatati li se jkunu investigati billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar se jsir b’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk il-kampjunar huwiex meħtieġ, u jekk iva, sabiex tagħżel kampjun, l-importaturi mhux relatati kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri soġġetti għal dan ir-rieżami, qegħdin b’dan jintalbu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni b’tagħrif dwar il-kumpanija/kumpaniji tagħhom, kif mitlub fl-Anness II ta’ din in-Notifika.

Sabiex tikseb it-tagħrif li jidhrilha li jkun meħtieġ għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja wkoll lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi tagħrif rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun, minbarra dak mitlub hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun hemm bżonn ta’ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott taħt rieżami fl-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien għad-dispożizzjoni. L-importaturi mhux relatati u l-assoċjazzjonijiet tal-importaturi kollha magħrufa se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji magħżula għall-kampjun.

Sabiex tikseb it-tagħrif li jidhrilha li jkun meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-importaturi mhux relatati inklużi fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi. Dawn il-partijiet iridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

5.4.    L-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

Sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx probabbiltà ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott li qed jiġi rieżaminat huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

Biex tikseb tagħrif li tqis li huwa meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi tal-Unjoni, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lil produtturi tal-Unjoni jew produtturi rappreżentattivi tal-Unjoni magħrufa u lil kull assoċjazzjoni magħrufa tal-produtturi tal-Unjoni, jiġifieri lil:

Ferropem,

Ferroatlantica S.L.,

RW. Silicium GmbH,

Comité de Liaison des Industries de Ferro-Alliages (Euroalliages).

Il-produtturi tal-Unjoni msemmijin qabel iridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Kull produttur fl-Unjoni u assoċjazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni li mhumiex elenkati hawn fuq huma mistiedna jikkuntattjaw lill-Kummissjoni preferibbilment permezz tal-posta elettronika, iżda mhux aktar tard minn 15-il jum wara l-pubblikazzjoni ta’ dan in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor, sabiex jippreżentaw ruħhom u jitolbu kwestjonarju.

5.5.    Sottomissjonijiet oħrajn bil-miktub

Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-Notifika, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna jesprimu l-opinjoni tagħhom, jippreżentaw informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.6.    Il-possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal seduti ta’ smigħ dwar kwistjonijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, it-talba għal smigħ trid titressaq fil-limiti ta’ żmien speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

5.7.    Istruzzjonijiet għas-sottomissjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza

L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini tal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ huma ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jissottomettu lill-Kummissjoni tagħrif u/jew dejta li hija soġġetta għad-drittijiet tal-awtur ta’ terzi persuni, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet li jippermetti b’mod espliċitu a) li l-Kummissjoni tuża t-tagħrif u d-dejta għall-iskop ta’ dan il-proċediment ta’ difiża ta’ kummerċ u b) tipprovdi t-tagħrif u/jew id-dejta lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’forma li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluż it-tagħrif mitlub f’din in-Notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għaliha jintalab trattament kunfidenzjali jkunu mmarkati bħala “Ristrett” (8).

Il-partijiet interessati li jipprovdu tagħrif “Ristrett” huma mitluba jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tiegħu skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li jiġu mmarkati bil-kliem “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”. Dawn is-sommarji jridu jkunu ddettaljati tant li jippermettu li l-qofol tat-tagħrif imressaq b’mod kunfidenzjali jinftiehem b’mod raġonevoli. Jekk parti interessata li tippreżenta tagħrif kunfidenzjali ma tipprovdix taqsira mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u l-kwalità mitluba, dan it-tagħrif jista’ jiġi injorat.

Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu l-preżentazzjonijiet u t-talbiet kollha permezz tal-posta elettronika inklużi dokumenti ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni skennjati, bl-eċċezzjoni ta’ tweġibiet voluminużi li għandhom jiġu mressqa fuq CD-ROM jew DVD bl-idejn jew permezz tal-posta reġistrata. Meta jużaw il-posta elettronika, il-partijiet interessati jkunu qed jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għall-preżentazzjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES” (korrispondenza mal-Kummissjoni Ewropea f’każijiet relatati mad-difiża tal-kummerċ) ippubblikat fis-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2011/june/tradoc_148003.pdf. Il-partijiet interessati jridu jindikaw l-isem, l-indirizz, in-numru tat-telefown u l-indirizz tal-posta elettronika validu tagħhom u għandhom jiżguraw li l-indirizz elettroniku pprovdut ikun indirizz elettroniku tan-negozju uffiċjali operattiv u ċċekkjat kuljum. Ladarba d-dettalji ta’ kuntatt ikunu stabbiliti, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz tal-posta elettronika biss, sakemm ma jkunx hemm talba speċifika li d-dokumenti kollha mill-Kummissjoni jintbagħtu b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li għandu jintbagħat ma jkunx jeħtieġ l-użu ta’ posta rreġistrata. Għal aktar regoli u informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet bil-posta elettronika, il-partijiet interessati għandhom jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Office: CHAR 04/039

1040 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Indirizzi tal-posta elettronika għall-korrispondenza:

GħaIl-produtturi esportaturi

:

TRADE-AD-SILICON-DUMPING@ec.europa.eu

Għal aspetti ta’ dannu

:

TRADE-AD-SILICON-INJURY@ec.europa.eu

6.   In-nuqqas ta’ kooperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess għat-tagħrif meħtieġ jew ma tipprovdihx fit-termini preskrittivi stipulati, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, il-konklużjonijiet, sew jekk pożittivi kif ukoll jekk negattivi, jistgħu jsiru abbażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

Jekk jinstab li xi parti interessata tkun tat tagħrif falz jew qarrieq, dan jista’ jiġi injorat u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment, u r-riżultati jkunu għalhekk imsejsa fuq fatti disponibbli konformi mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

In-nuqqas li tingħata risposta kompjuterizzata ma jiġix ikkunsidrat bħala nuqqas ta’ kooperazzjoni, dejjem jekk il-parti interessata turi li biex tippreżenta r-risposta kif mitlub ikun ifisser piż żejjed mhux raġonevoli jew spiża addizzjonali mhux raġonevoli. Il-parti interessata għandha tagħmel kuntatt mal-Kummissjoni immedjatament.

7.   L-Uffiċjal tas-Seduta

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Seduta jaġixxi ta’ interfaċċja bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina t-talbiet għal aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien u t-talbiet minn partijiet terzi għal smigħ. L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduta ta’ smigħ ma’ parti interessata individwali u jagħmilha ta’ medjatur sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jiġu eżerċitati b’mod sħiħ.

It-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal seduti ta’ smigħ dwar kwistjonijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, it-talba għal smigħ trid titressaq fil-limiti ta’ żmien speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

L-Uffiċjal tas-Seduta jipprovdi wkoll l-opportunitajiet biex issir seduta li tinvolvi l-partijiet u li tagħmilha possibbli li jiġu ppreżentati fehmiet differenti u li jitressqu argumenti kuntrarji dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw, fost affarijiet oħra, id-dannu.

Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/.

8.   L-iskeda tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni tintemm, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku, fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

9.   L-ipproċessar tad-dejta personali

Kull dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi ttrattata f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (9).


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 467/2010 tal-25 ta’ Mejju 2010 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet tas-silikon li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, kif estiż għal importazzjonijiet tas-silikon ikkonsenjat mir-Repubblika tal-Korea, kemm jekk iddikjarat li joriġinaw fir-Repubblika tal-Korea kemm jekk le, wara reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) u reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 131, 29.5.2010, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 311/2013 tat-3 ta’ April 2013 li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 467/2010 fuq importazzjonijiet tas-silikon li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet tas-silikon konsenjati mit-Tajwan, kemm jekk dikjarat li jorigina fit-Tajwan kif ukoll jekk le (ĠU L 95, 5.4.2013, p. 1).

(4)  Notifika ta’ bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri antidumping li japplikaw għall-importazzjonijiet ta’ silikon li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU C 174, 28.5.2015, p. 10).

(5)  Produttur esportatur huwa kull kumpanija fil-pajjiż(i) kkonċernati li tipproduċi u tesporta l-prodott li qed jiġi investigat lejn is-suq tal-Unjoni, jew direttament inkella permezz ta’ parti terza, inkluża kull kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat.

(6)  Jistgħu jintgħażlu fil-kampjun biss importaturi li mhumiex relatati ma’ produtturi esportaturi. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi esportaturi jridu jimlew l-Anness I tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. Għad-definizzjoni ta’ parti relatata ara n-nota 5 ta’ qiegħ il-paġna fl-Anness I jew in-nota 8 ta’ qiegħ il-paġna fl-Anness II.

(7)  Id-dejta mogħtija minn importaturi mhux relatati tista’ tintuża wkoll b’rabta ma’ aspetti oħra ta’ din l-investigazzjoni, apparti d-determinazzjoni tad-dumping.

(8)  Dokument “Ristrett” huwa dokument meqjus kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51) u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (Ftehim dwar l-Antidumping). Dan hu wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(9)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


ANNESS I

Image

Image


ANNESS II

Image

Image


PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea

1.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 287/14


Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni

(Il-Każ M.7555 — Staples/Office Depot)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2015/C 287/07)

1.

Fil-21 ta' Awwissu 2015, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta' konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha l-impriża Staples, Inc. (l-Istati Uniti tal-Amerka) takkwista fit-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet il-kontroll tal-impriża Office Depot, Inc. (l-Istati Uniti tal-Amerika) kollha kemn hi permezz tax-xiri ta’ ishma.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

Staples, Inc. tbiegħ provvisti għall-uffiċċju, prodotti u servizzi teknoloġiċi, provvisti għall-faċilitajiet u l-breakroom, għamara, servizzi ta' kkuppjar u stampar, u prodotti u servizzi oħra għall-użu fl-uffiċċji,

Office Depot, Inc. tbiegħ provvisti għall-uffiċċju, teknoloġija, servizzi tal-istampar u dokumentazzjoni, servizzi kummerċjali, prodotti tal-faċilitajiet, għamara, u prodotti u servizzi oħra għall-użu fl-uffiċċji.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista' jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta' din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-faks (+32 22964301), permezz tal-email lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew permezz tal-posta, bin-numru ta' referenza M.7555 — Staples/Office Depot, fl-indirizz li ġej:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).


ATTI OĦRAJN

Il-Kummissjoni Ewropea

1.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 287/15


Notifika li tikkonċerna talba skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/17/KE

Talba magħmula minn entità kontraenti

(2015/C 287/08)

Fit-28 ta' Lulju 2015, il-Kummissjoni rċeviet talba minn ENI PORTUGAL B.V skont l-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwisti minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (1).

Sakemm titħassar (2), id-Direttiva 2004/17/KE tapplika meta jingħataw il-kuntratti, fost l-oħrajn dawk għall-esplorazzjoni taż-żejt u l-gass, sakemm din l-attività ma tkunx eżentata skont l-Artikolu 30 ta’ dik id-Direttiva. Mil-lat proċedurali, madankollu, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/25/UE (3) japplikaw meta tintalab xi eżenzjoni, billi l-kundizzjonijiet materjali għall-għoti ta’ eżenzjoni jibqgħu ma jinbidlux fis-sustanza.

Din it-talba, tikkonċerna l-esplorazzjoni taż-żejt u tal-gass fil-Portugall. L-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/17/KE jistipula li l-aħħar Direttiva ma tapplikax meta l-attività kkonċernata tkun direttament esposta għall-kompetizzjoni fis-swieq li l-aċċess għalihom mhuwiex ristrett. L-evalwazzjoni ta' dawn il-kondizzjonijiet issir biss fil-qafas tad-Direttiva 2004/17/KE u ma taffettwax l-applikazzjoni tar-regoli ta' kompetizzjoni tal-UE.

F’każ li tingħata eżenzjoni, l-effett tagħha jkun jiskadi fid-data tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/25/UE fil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew, l-aktar tard, meta titħassar id-Direttiva 2004/17/KE, sakemm l-attività ta’ esplorazzjoni taż-żejt u tal-gass ma tibqax koperta mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/25/UE; u għaldaqstant ma tkun meħtieġa l-ebda eżenzjoni.

Skont l-ittra (a) tal-ewwel paragrafu tal-punt 1 tal-Anness IV tad-Direttiva 2014/25/UE, il-Kummissjoni hija permessa perjodu ta’ 90 jum ta’ xogħol biex tieħu deċiżjoni dwar din it-talba, perjodu li jibda jgħodd mill-jum ta' xogħol li hemm referenza għalih hawn fuq. Il-perjodu għalhekk jiskadi fit-2 ta' Diċembru 2015.


(1)  ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243.

(2)  B’effett mit-18 ta’ April 2016.

(3)  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1. Fir-rigward tal-proċedura, id-Direttiva 2014/25/UE hija vinkolanti għall-Kummissjoni sa mit-18 ta’ April 2014.