ISSN 1977-0987

doi:10.3000/19770987.C_2012.269.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 269

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 55
6 ta' Settembru 2012


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2012/C 269/01

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Każ COMP/M.6568 – Cisco Systems/NDS Group) ( 1 )

1

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2012/C 269/02

Rata tal-kambju tal-euro

2

 

INFORMAZZJONI MILL-ISTATI MEMBRI

2012/C 269/03

Informazzjoni fil-qosor ikkomunikata mill-Istati Membri dwar għajnuniet mill-Istat mogħtija skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 736/2008 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju attivi fil-produzzjoni, fl-ipproċessar u fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti tas-sajd

3

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA KUMMERĊJALI KOMUNI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2012/C 269/04

Notifika ta' bidu ta' proċediment anti-dumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta' moduli fotovoltajċi bis-silikon kristallin u l-komponenti ewlenin (jiġifieri ċ-ċelloli u l-wejfers) li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

5

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

 


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

6.9.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 269/1


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Każ COMP/M.6568 – Cisco Systems/NDS Group)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2012/C 269/01

Fit-23 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq komuni. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)b tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004. It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss fl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

Fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta' amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/en/index.htm) fid-dokument li jġib in-numru 32012M6568. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi Ewropea.


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

6.9.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 269/2


Rata tal-kambju tal-euro (1)

Il-5 ta’ Settembru 2012

2012/C 269/02

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,2578

JPY

Yen Ġappuniż

98,67

DKK

Krona Daniża

7,4509

GBP

Lira Sterlina

0,79035

SEK

Krona Żvediża

8,4415

CHF

Frank Żvizzeru

1,2014

ISK

Krona Iżlandiża

 

NOK

Krona Norveġiża

7,3070

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

24,794

HUF

Forint Ungeriż

284,60

LTL

Litas Litwan

3,4528

LVL

Lats Latvjan

0,6962

PLN

Zloty Pollakk

4,2009

RON

Leu Rumen

4,4883

TRY

Lira Turka

2,2905

AUD

Dollaru Awstraljan

1,2337

CAD

Dollaru Kanadiż

1,2422

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

9,7566

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,5847

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,5702

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 429,81

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

10,5560

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,9860

HRK

Kuna Kroata

7,4628

IDR

Rupiah Indoneżjan

12 048,55

MYR

Ringgit Malażjan

3,9262

PHP

Peso Filippin

52,792

RUB

Rouble Russu

40,6550

THB

Baht Tajlandiż

39,331

BRL

Real Brażiljan

2,5695

MXN

Peso Messikan

16,5615

INR

Rupi Indjan

70,3000


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


INFORMAZZJONI MILL-ISTATI MEMBRI

6.9.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 269/3


Informazzjoni fil-qosor ikkomunikata mill-Istati Membri dwar għajnuniet mill-Istat mogħtija skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 736/2008 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju attivi fil-produzzjoni, fl-ipproċessar u fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti tas-sajd

2012/C 269/03

Għajnuna Nru: SA.35130 (12/XF)

Stat Membru: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Reġjun/awtorità li qed tagħti l-għajnuna: Finanzamt Malchin (Id-dipartiment tat-taxxi ta’ Malchin)

Titlu tal-iskema tal-għajnuna/isem l-impriża li qed tirċievi l-għajnuna individwali: Welsmeister Vertriebs GmbH Co KG

Bażi legali: Bescheid vom 3. Juli 2012 über die Gewährung einer Zulage nach dem Investitionszulagengesetz 2010 (Deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2012 dwar l-għoti ta’ somma addizzjonali ta’ flus skont il-liġi tal-2010 dwar l-għoti ta’ għajnuna għall-investimenti)

Nefqa annwali ppjanata skont l-iskema jew l-ammont kumplessiv tal-għajnuna individwali mogħtija lill-kumpanija: Għotja ta’ darba biss ta’ EUR 0,283910 miljun

Intensità massima tal-għajnuna: 15,8 %

Data tal-implimentazzjoni: Il-ħlas tal-għajnuna approvata jsir wara li tasal in-notifika tal-wasla skont it-tielet sentenza tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 736/2008 tat-22 ta’ Lulju 2008 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju attivi fil-produzzjoni, fl-ipproċessar u fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti tas-sajd (ĠU L 201, 30.7.2008, p. 16).

Tul ta’ żmien tal-iskema jew tal-għotja tal-għajnuna individwali:

għall-iskemi tal-għajnuna: id-data sa meta tista’ tingħata l-għajnuna: mhix applikabbli

għall-għajnuna individwali: id-data meta mistenni jsir l-aħħar ħlas parzjali: mhix applikabbli Din hija għotja ta’ darba biss.

Għan tal-għajnuna: Dawk li jħallsu t-taxxa skont il-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul jew il-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul tal-kumpaniji li jagħmlu investimenti eliġibbli f’reġjun megħjun (f’dan il-każ ir-reġjun ta’ Mecklenburg-Vorpommern), għandhom dritt għal għajnuna għall-investimenti, dejjem jekk dawn l-investimenti jkunu jissodisfaw ir-rekwiżiti legali għall-għajnuna li japplikaw għas-settur sensittiv tas-sajd u tal-akkwakultura. L-investimenti eliġibbli huma l-investimenti fil-ħolqien u l-produzzjoni ta’ assi mobbli ġodda li huma suġġetti għad-deprezzament, li jiffurmaw parti mill-assi fissi u li jiffurmaw parti mill-proġett ta’ investiment inizjali u li, għal mill-inqas ħames snin wara li jintemm dan il-proġett, ikunu jiffurmaw l-assi fissi ta’ impriża fir-reġjun megħjun li tkun qed tirċievi l-għajnuna u li sidha jkollu d-dritt jirċievi l-għajnuna. Il-perjodu obbligatorju jitnaqqas għal tliet snin jekk l-assi mobbli jibqgħu f’idejn impriża żgħira jew ta’ daqs medju. L-investimenti eliġibbli huma wkoll dawk għall-ħolqien u l-kostruzzjoni ta’ bini ġdid u ta’ partijiet oħra tal-bini, li jkunu assi immobbli indipendenti u li jintużaw għal mill-inqas ħames snin mill-impriża li tkun qed tirċievi l-għajnuna. Il-ħolqien ta’ faċilitajiet ġodda tan-negozju, it-tkabbir tal-faċilitajiet tan-negozju eżistenti, id-divrenzjar tal-produzzjoni ta’ faċilità tan-negozju biex tibda tinkludi prodotti ġodda addizzjonali, it-tibdil sostanzjali tal-proċeduri kollha tal-produzzjoni ta’ faċilità tan-negozju eżistenti u t-teħid ta’ impriża li ngħalqet jew li tkun fil-periklu li tagħlaq minn investitur indipendenti minnha jitqiesu li huma pjanijiet tal-investiment inizjali. Il-bażi għall-kalkolu tal-għajnuna għall-investimenti hija s-somma tal-ispejjeż tal-ħolqien u tal-produzzjoni tal-investimenti eliġibbli li jkunu saru f’dik is-sena kalendarja jew f’dik is-sena finanzjarja.

Indika liema Artikolu qed jintuża mill-Artikoli 8 sa 24: L-Artikolu 16

Setturi ekonomiċi kkonċernati: Is-sajd u l-ipproċessar tal-ħut

Isem u indirizz tal-awtorità li qed tagħti l-għajnuna:

Finanzamt Malchin (Id-dipartiment tat-taxxi ta’ Malchin)

Postfach 11010

17131 Malchin

DEUTSCHLAND

Indirizz tas-sit tal-internet fejn jinsab it-test sħiħ tal-iskema tal-għajnuna jew il-kriterji u l-kundizzjonijiet li bihom tingħata l-għajnuna individwali mogħtija barra minn skema tal-għajnuna: http://www.mv-regierung.de/LU-Downloads.htm

Raġuni: Il-benefiċjarju tal-għajnuna rċieva għotja ta’ EUR 449 350, skont Deċiżjoni tal-31 ta’ Awwissu 2010 meħuda mill-Istitut għall-iżvilupp tal-artijiet ta’ Mecklenburg-Vorpommern, għall-istess skema (imsejħa “Il-bini, għall-ewwel darba, ta’ fabbrika għall-ipproċessar tal-ħut f’Altkalen”). L-għotja ngħatat skont l-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006 (75 % mir-riżorsi tal-Fond Ewropew għas-Sajd – il-FES), kif ukoll skont il-prinċipji għat-titjib tal-istruttura tal-ipproċessar u tal-kummerċjalizzazzjoni tas-settur tas-sajd fil-kuntest tal-pjan ta’ qafas għall-Programm ta’ ħidma konġunta għat-titjib fl-istrutturi ekonomiċi reġjonali msejjaħ “Titjib fl-istruttura agrikola u fil-ħarsien tal-kosta” għall-perjodu mill-2011 sal-2014 (25 % mir-riżorsi ta’ dan il-programm). L-għajnuna għall-investimenti qed tingħata flimkien ma’ din l-għotja mill-Fond Ewropew għas-Sajd sabiex tittejjeb il-qagħda ekonomika fir-reġjuni Ġermaniżi l-ġodda, li għadha mhix sodisfaċenti. Fir-reġjun ta’ Mecklenburg-Vorpommern, u b’mod speċjali fiż-żona fejn qed isir dan l-investiment, ir-rata ta’ qgħad hija ferm ogħla minn dik medja li hemm fil-Ġermanja kollha, u għad hemm livell għoli ta’ emigrazzjoni, l-iktar fost iż-żgħażagħ. Ir-raġunijiet għal dan huma, fost l-oħrajn, in-nuqqas ta’ kapital u ta’ infrastruttura. Għalhekk, l-għajnuna għall-investimenti se tagħti inċentiv addizzjonali biex wieħed jinvesti proprju f’dawn ir-reġjuni li għandhom nuqqasijiet strutturali, sabiex ikun jista’ jinżamm jew jiżdied il-potenzjal ekonomiku tagħhom u b’hekk tittaffa l-problema tal-emigrazzjoni minħabba x-xogħol.


V Avviżi

PROĊEDURI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA KUMMERĊJALI KOMUNI

Il-Kummissjoni Ewropea

6.9.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 269/5


Notifika ta' bidu ta' proċediment anti-dumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta' moduli fotovoltajċi bis-silikon kristallin u l-komponenti ewlenin (jiġifieri ċ-ċelloli u l-wejfers) li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

2012/C 269/04

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) rċeviet ilment skont l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), li jallega li l-importazzjonijiet ta' moduli fotovoltajċi bis-silikon kristallin u l-komponenti ewlenin (jiġifieri ċ-ċelloli u l-wejfers), li joriġinaw (2) mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, huma l-oġġett ta’ dumping u għalhekk qegħdin joħolqu ħsara materjali għall-industrija tal-Unjoni.

1.   L-ilment

L-ilment tressaq fil-25 ta' Lulju 2012 minn EU ProSun (“il-kwerelant”) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta' moduli fotovoltajċi bis-silikon kristallin u l-komponenti ewlenin.

2.   Il-prodott li qed jiġi investigat

Il-prodott suġġett għal din l-investigazzjoni huwa moduli fotovoltajċi bis-silikon kristallin jew panils u ċelloli u wejfers tat-tip użat f'moduli fotovoltajċi bis-silikon kristallin jew panils. Iċ-ċelloli u wejfers għandhom ħxuna ta' mhux aktar minn 400 μm (“il-prodott li qed jiġi investigat”).

Mill-prodott li qed jiġi investigat it-tipi ta’ prodotti li ġejjin huma esklużi:

ċarġers solari li jikkonsistu minn inqas minn sitt ċelloli, li huma mobbli u li jfornu l-elettriku lil mezzi jew li jiċċarġjaw il-batteriji;

prodotti fotovoltajċi tat-tertuqa rqiqa;

Prodotti fotovoltajċi bis-silikon kristallin li huma permanentement integrati fi prodotti elettriċi, fejn il-funzjoni tal-prodotti elettriċi mhijiex dik li tiġġenera l-elettriċità, u fejn dawn il-prodotti elettriċi jikkonsmaw l-elettriku ġġenerat miċ-ċellola fotovoltajka/ċelloli fotovoltajċi bis-silikon kristallin integrat.

3.   L-allegazzjoni ta’ dumping

Il-prodott li allegatament qed ikun l-oġġett ta' dumping huwa l-prodott li qed jiġi investigat, li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“il-pajjiż ikkonċernat”), u li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM ex 3818 00 10, ex 8501 31 00, ex 8501 32 00, ex 8501 33 00, ex 8501 34 00, ex 8501 61 20, ex 8501 61 80, ex 8501 62 00, ex 8501 63 00, ex 8501 64 00 u ex 8541 40 90. Dawn il-kodiċijiet NM qed jingħataw biss għall-informazzjoni.

Billi, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina titqies bħala pajjiż li l-ekonomija tiegħu mhijiex waħda tas-suq, il-kwerelant stabbilixxa valur normali għall-importazzjonijiet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina jiġifieri fuq il-bażi ta' valur normali kkalkulat (l-ispejjeż tal-manifattura, il-bejgħ, l-ispejjeż ġenerali u amministrattivi (l-“SG&A”) u l-profitt) f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, jiġifieri l-Istati Uniti tal-Amerika. L-allegazzjoni ta’ dumping hija msejsa fuq tqabbil tal-valur normali stabbilit b’dan il-mod mal-prezz ta’ esportazzjoni (fil-livell ta' kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott li qed jiġi investigat meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

Fuq din il-bażi, il-marġnijiet ta' dumping ikkalkulati huma sinifikanti għall-pajjiż ikkonċernat.

4.   L-allegazzjoni tal-ħsara u l-kawżalità

Il-kwerelant ipprovda evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat żdiedu b'mod ġenerali f'termini assoluti u żdiedu f'termini ta' sehem mis-suq.

L-evidenza prima facie li pprovda l-kwerelant turi li l-volum u l-prezzijiet tal-prodott importat li qed jiġi investigat kellhom, fost konsegwenzi oħrajn, impatt negattiv fuq il-livell tal-prezzijiet mitluba u fuq is-sehem tas-suq tal-industrija tal-Unjoni, li ġabu effetti negattivi sostanzjali fuq il-qagħda finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni.

5.   Il-proċedura

Wara li ddeterminat, b'konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li l-ilment tressaq mill-industrija tal-Unjoni jew f'isimha u li hemm biżżejjed evidenza biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta' proċediment, il-Kummissjoni b'dan qiegħda tagħti bidu għal investigazzjoni skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku.

L-investigazzjoni se tiddetermina jekk il-prodott investigat li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat huwiex qed jiġi ddampjat u jekk dawn l-importazzjonijiet iddampjati kinux ta' dannu għall-industrija tal-Unjoni. Jekk il-konklużjonijiet ikunu fil-pożittiv, l-investigazzjoni se teżamina jekk l-impożizzjoni ta' miżuri tmurx kontra l-interess tal-Unjoni.

Hemm indikazzjonijiet li l-prodott li qed jiġi investigat ta' sikwit jinkorpora komponenti u partijiet minn pajjiżi differenti. Għalhekk, il-kumpaniji li jibagħtu l-prodott ikkonċernat mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina li iżda jqisu li dawk l-esportazzjonijjiet kollha jew parti minnhom ma għandhomx l-oriġini doganali tagħhom fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina huma mistiedna jippreżentaw ruħhom fl-investigazzjoni u jagħtu t-tagħrif kollu rilevanti. L-oriġini tal-prodott li qed jiġi investigat esportat mill-pajjiż ikkonċernat għandha tiġi eżaminata fid-dawl ta' dan it-tagħrif u ta' tagħrif ieħor miġbur f'din l-investigazzjoni. Jekk xieraq, jistgħu jiġu adottati dispożizzjonijiet speċjali, pereżempju fuq il-bażi tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament bażiku.

5.1.    Il-proċedura għad-determinazzjoni tad-dumping

Il-produtturi esportaturi (3) tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat huma mistiedna jipparteċipaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

5.1.1.   L-investigazzjoni tal-produtturi esportaturi

5.1.1.1.   Il-proċedura għall-għażla tal-produtturi esportaturi li jridu jiġu investigati fil-pajjiż ikkonċernat

(a)   It-teħid ta' kampjuni

Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li huma involuti f’dan il-proċediment, u biex tlesti l-investigazzjoni fl-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-produtturi esportaturi li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “teħid ta’ kampjuni”). It-teħid ta' kampjuni se jsir skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tiddeċiedi jekk it-teħid ta' kampjuni huwiex meħtieġ, u jekk ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f'isimhom, qegħdin b'dan jintalbu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet għandhom jagħmlu hekk fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni bit-tagħrif, mitlub fl-Anness A ta' din in-notifika, dwar il-kumpanija jew il-kumpaniji tagħhom.

Biex tikseb it-tagħrif li jidhrilha li huwa meħtieġ għall-għażla tal-kampjun tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u tista’ tikkuntattja lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi esportaturi.

Il-partijiet kollha interessati li jixtiequ jressqu xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, il-produtturi esportaturi jistgħu jintgħażlu fuq il-bażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta' esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li jista' jiġi investigat b'mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi esportaturi kollha magħrufa, l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi esportaturi se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina jekk ikun xieraq, dwar liema huma l-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis li teħtieġ għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tibgħat il-kwestjonarji lill-produtturi esportaturi magħżula għall-kampjun, lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta' produtturi esportaturi, u lill-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

Il-produtturi esportaturi kollha magħżula biex jiffurmaw parti mill-kampjun ikollhom jibagħtu kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-kwestjonarju se jitlob tagħrif dwar, fost l-oħrajn, l-istruttura tal-kumpanija/i tal-produttur esportatur, l-attivitajiet tal-kumpanija/i fir-rigward tal-prodott investigat, l-ispiża tal-produzzjoni, il-bejgħ tal-prodott investigat fis-suq domestiku tal-pajjiż ikkonċernat u l-bejgħ tal-prodott investigat fl-Unjoni.

Bla ħsara għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-kumpaniji li jkunu qablu mal-inklużjoni possibbli tagħhom fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu fil-kampjun se jitqiesu li jkunu kkooperaw (“il-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li kkooperaw”). Bla ħsara għat-taqsima (b) ta' hawn taħt, id-dazju anti-dumping li jista’ jiġi applikat għall-importazzjonijiet mill-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li kkooperaw ma għandux jaqbeż il-marġni medju b'piż differenzjat ta’ dumping stabbilit għall-produtturi esportaturi fil-kampjun (4).

(b)   Il-marġni ta' dumping individwali għall-kumpaniji li mhumiex inklużi fil-kampjun

Il-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun jistgħu jitolbu, skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku, li l-Kummissjoni tistabbilixxi l-marġnijiet ta’ dumping individwali tagħhom (“marġni ta’ dumping individwali”). Il-produtturi esportaturi li jixtiequ jitolbu marġni ta’ dumping individwali għandhom jitolbu kwestjonarju u formoli applikabbli oħra ta' talba u jibagħtuhom lura mimlija kif meħtieġ mhux iktar tard mill-iskadenzi speċifikati fis-sentenza li ġejja u fit-taqsima 5.1.2.2 hawn taħt. Il-kwestjonarju mimli għandu jiġi ppreżentat fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tistabbilixxi marġnijiet ta’ dumping individwali għal dawk il-produtturi esportaturi fil-pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq, għandu jkun hemm provi li dawn jissodisfaw il-kriterji biex jingħataw trattament ta’ ekonomija tas-suq (“TES”). Il-Kummissjoni se teżamina wkoll jekk dawn jistgħux jingħataw dazju individwali skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku. Madankollu, il-produtturi esportaturi li jitolbu marġni ta' dumping individwali għandhom ikunu jafu li l-Kummissjoni tista' xorta waħda tiddeċiedi li ma tiddeterminax il-marġni ta' dumping individwali tagħhom jekk, pereżempju, l-għadd ta' produtturi esportaturi tant ikun kbir li tali determinazzjoni tkun partikolarment diffiċli u ma tkunx tippermetti li l-investigazzjoni titlesta fil-ħin.

5.1.2.   Proċedura addizzjonali dwar il-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li ma għandux ekonomija tas-suq

5.1.2.1.   L-għażla ta’ pajjiż terz b’ekonomija tas-suq

Soġġett għad-dispożizzjonijiet tat-taqsima 5.1.2.2 hawn taħt, skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, fil-każ ta’ importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat il-valur normali għandu jiġi ddeterminat fuq il-bażi tal-prezz jew tal-valur maħdum f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq. Għal dan l-għan il-Kummissjoni se tagħżel pajjiż terz b’ekonomija tas-suq adattata. Il-Kummissjoni għażlet provviżorjament lill-Istati Uniti tal-Amerika. Il-partijiet interessati huma b’dan mistiedna li jikkumentaw dwar kemm hi xierqa din l-għażla fi żmien 10 ijiem mid-data ta’ pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.1.2.2.   Trattament tal-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li ma għandux ekonomija tas-suq

B'konformità mal-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi individwali fil-pajjiż ikkonċernat, li jqisu li għalihom jgħoddu l-kundizzjonijiet tal-ekonomija tas-suq fir-rigward tal-manifattura jew il-bejgħ tal-prodott li qiegħed jiġi investigat, jistgħu jressqu talba għal trattament ta' ekonomija tas-suq sostanzjata kif xieraq għal dan il-għan (“talba għal TES”). It-TES jingħata jekk l-evalwazzjoni tat-talba għal TES turi li l-kriterji stipulati fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku (5) jkunu sodisfatti. Il-marġni ta’ dumping tal-produtturi esportaturi li ngħataw TES se jiġi kkalkulat, safejn hu possibbli u bla ħsara għall-użu ta’ fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, billi jintuża l-valur normali u l-prezzijiet ta’ esportazzjoni tagħhom stess skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku.

(a)   Trattament ta' ekonomija tas-suq

Il-Kummissjoni se tibgħat il-formoli ta’ talba għal TES lill-produtturi esportaturi kollha fil-pajjiż ikkonċernat magħżula biex ikunu parti mill-kampjun u lill-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun u li jixtiequ japplikaw għal marġni ta’ dumping individwali, lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta' produtturi esportaturi, kif ukoll lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat.

Il-produtturi esportaturi kollha li jitolbu TES għandhom jissottomettu formola kompluta ta’ talba għal TES fi żmien 21 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun jew tad-deċiżjoni li ma jintgħażilx kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

5.1.3.   Investigazzjoni tal-importaturi mhux relatati  (6)  (7)

L-importaturi mhux relatati tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni huma mistiedna jipparteċipaw f'din l-investigazzjoni.

Minħabba li jidher li hemm għadd potenzjalment kbir ta' importaturi li mhumiex relatati, li huma involuti f'dan il-proċediment, u biex tlesti l-investigazzjoni fil-limiti ta' żmien statutorji, il-Kummissjoni tista' tillimita l-importaturi li mhumiex relatati u li jridu jiġu investigati, għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “it-teħid tal-kampjuni”). It-teħid ta' kampjuni se jsir skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk il-kampjunar huwiex meħtieġ, u jekk ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi kollha li humiex relatati, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f'isimhom, qegħdin b'dan jintalbu biex jidentifikaw ruħhom mal-Kummissjoni. Dawn il-partijiet għandhom jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom mitluba fl-Anness B ta' din in-notifika.

Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis li hu meħtieġ għall-għażla tal-kampjun ta' importaturi li mhumiex relatati, il-Kummissjoni tista' tikkuntattja wkoll lil kull assoċjazzjoni magħrufa tal-importaturi.

Il-partijiet kollha interessati li jixtiequ jressqu xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu fuq il-bażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta' bejgħ fl-Unjoni tal-prodott investigat, li jista' jiġi investigat b'mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. L-importaturi mhux relatati kollha magħrufa u l-assoċjazzjonijiet tal-importaturi se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis meħtieġ fl-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-importaturi mhux relatati inklużi fil-kampjun u lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta' importaturi. Dawn il-partijiet għandhom jissottomettu l-kwestjonarju komplut fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-kwestjonarju se jitlob tagħrif dwar, fost l-oħrajn, l-istruttura tal-kumpanija/i tagħhom, l-attivitajiet tal-kumpanija/i fir-rigward tal-prodott li qed jiġi investigat u dwar il-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat.

5.2.    Il-proċedura għad-determinazzjoni tad-dannu u l-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

Id-determinazzjoni ta' ħsara tissejjes fuq evidenza pożittiva u tinvolvi studju oġġettiv tal-volum tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping, l-effett tagħhom fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u l-impatt konsegwenti ta’ dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni. Sabiex jiġi stabbilit jekk l-industrija tal-Unjoni ġarrbitx dannu materjali, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott li qed jiġi investigat huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni involuti f'dan il-proċediment, u biex tlesti l-investigazzjoni fil-limiti ta' żmien statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita l-produtturi tal-Unjoni li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “it-teħid tal-kampjuni”). It-teħid ta' kampjuni jitwettaq skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Il-Kummissjoni għażlet provviżorjament kampjun tal-produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji qegħdin fil-fajl li huwa disponibbli għall-partijiet interessati. Il-partijiet interessati huma b'dan mistiedna jikkonsultaw il-fajl (biex jagħmlu dan iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni bl-għajnuna tad-dettalji ta' kuntatt mogħtija fit-taqsima 5.6 hawn taħt). Produtturi oħra tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu f'isimhom li jqisu li hemm raġunijiet għalfejn għandhom jiġu inklużi fil-kampjun, għandhom jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-partijiet kollha interessati li jixtiequ jressqu xi tagħrif rilevanti ieħor fir-rigward tal-għażla tal-kampjun iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm mhux speċifikat mod ieħor.

Il-produtturi magħrufa kollha tal-Unjoni u/jew l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi tal-Unjoni se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji li finalment ikunu ntgħażlu għall-kampjun.

Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis li hu meħtieġ fl-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta' produtturi tal-Unjoni. Dawn il-partijiet għandhom jissottomettu l-kwestjonarju komplut fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-kwestjonarju se jitlob tagħrif dwar, fost l-oħrajn, l-istruttura tal-kumpanija/i tagħhom u l-qagħda finanzjarja u ekonomika tal-kumpanija/i.

5.3.    Il-proċedura għall-evalwazzjoni tal-interess tal-Unjoni

Jekk tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dumping u ta' ħsara kkawżata minnu, se tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, dwar jekk l-adozzjoni ta’ miżuri tal-anti-dumping tmurx kontra l-interess tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur huma mistiedna jippreżentaw rwieħhom fi żmien 15-il jum mid-data ta' pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur għandhom juru, fil-limitu tal-istess skadenza, li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott investigat.

Il-partijiet li jippreżentaw rwieħhom fil-limitu ta’ żmien stipulat hawn fuq jistgħu jipprovdu tagħrif lill-Kummissjoni dwar l-interess tal-Unjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista' tingħata f'għamla libera jew billi jimtela l-kwestjonarju li ħejjiet il-Kummissjoni. Fi kwalunkwe każ, l-informazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 21 se titqies biss jekk meta tiġi ppreżentata tkun sostnuta b'evidenza fattwali.

5.4.    Sottomissjonijiet oħra bil-miktub

Suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta' din in-notifika, il-partijiet kollha interessati huma b'dan mistiedna jippreżentaw fehmiethom, iressqu tagħrif u jipprovdu evidenza ta' sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, dan it-tagħrif u l-provi ta’ sostenn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.5.    Il-possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal smigħ għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal seduta dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni t-talba għandha titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, talba għal smigħ għandha titressaq fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

5.6.    L-istruzzjonijiet għas-sottomissjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza

Is-sottomissjonijiet kollha, inluż it-tagħrif mitlub f’din in-notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għaliha jintalab trattament kunfidenzjali għandhom ikunu mmarkati “Limited” (Ristretti) (8).

Il-partijiet interessati li jagħtu tagħrif “Ristrett” huma mitluba jipprovdu taqsiriet mhux kunfidenzjali tiegħu skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li se jkunu mmarkati “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”. Dawn is-sommarji għandhom ikunu dettaljati biżżejjed sabiex tkun tista' tinftiehem b'mod raġonevoli s-sustanza tat-tagħrif ippreżentat b'mod kunfidenzjali. Jekk parti interessata li tipprovdi tagħrif kunfidenzjali ma tipprovdix taqsira mhux kunfidenzjali tiegħu fil-format u l-kwalità mitluba, dan it-tagħrif kunfidenzjali jista' jitwarrab.

Il-partijiet interessati jeħtieġ li jagħmlu l-preżentazzjonijiet u t-talbiet kollha f'format elettroniku (il-preżentazzjonijiet li mhumiex kunfidenzjali permezz tal-posta elettronika, dawk kunfidenzjali fuq CD-R/DVD), u jridu jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks tagħhom. Madankollu, kull Prokura, ċertifikazzjoni iffirmata u l-aġġornamenti tagħhom li jakkumpanjaw il-formoli ta’ talba għal TES jew ir-risposti tal-kwestjonarju, għandhom jitressqu b’mod fiżiku, jiġifieri bil-posta jew bl-idejn, fl-indirizz ta' hawn taħt. Jekk xi parti interessata ma tkunx tista' tressaq is-sottomissjonijiet u t-talbiet tagħha f'format elettroniku, din għandha tikkuntattja lill-Kummissjoni minnufih, f'konformità mal-Artikolu 18(2) tar-Regolament bażiku. Għal aktar tagħrif dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġna tal-web rilevanti fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/trade-defence

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

Il-Kummissjoni Ewropea

Id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ

Id-Direttorat H

Uffiċċju: N105 08/020

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Fax +32 22956505

L-indirizz elettroniku: trade-solar-dumping@ec.europa.eu

trade-solar-injury@ec.europa.eu

6.   Nuqqas ta' kooperazzjoni

F’każi fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix it-tagħrif meħtieġ fil-limiti tal-iskadenzi, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, is-sejbiet provviżorji jew finali, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru abbażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

Fejn jinstab li xi parti interessata tkun tat tagħrif falz jew qarrieqi, it-tagħrif jista' jitwarrab u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment u għalhekk is-sejbiet jissejsu fuq fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista' jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

7.   L-Uffiċjal tas-Seduta

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta jagħmilha ta' medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-iskadenzi u t-talbiet għal smigħ minn partijiet terzi. L-Uffiċjal tas-Seduta jista' jorganizza smigħ ma' parti interessata individwali u jagħmilha ta' medjatur biex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jitħaddmu b'mod sħiħ.

Talba għal seduta ta' smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet li għalihom tkun qiegħda ssir. Għal seduta dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni t-talba għandha titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, talba għal smigħ trid issir fil-perjodi ta’ żmien speċifiċi stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

L-Uffiċjal tas-Seduta jipprovdi wkoll opportunitajiet biex isir smigħ li jinvolvi lill-partijiet u li jippermetti li jiġu ppreżentati fehmiet differenti u li jitressqu argumenti kuntrarji dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw, fost affarijiet oħra, id-dumping, id-danni, ir-rabta kawżali u l-interess tal-Unjoni. Seduta bħal din, bħala regola, issir mhux aktar tard minn tmiem ir-raba' ġimgħa wara l-iżvelar tas-sejbiet provviżorji.

Għal aktar tagħrif u għad-dettalji ta' kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq il-websajt tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/hearing-officer/index_en.htm

8.   Skeda tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni se tiġi konkluża, skont l-Artikolu 6(9) tar-Regolament bażiku, fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. B'konformità mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri provviżorji jistgħu jiġu imposti mhux aktar tard minn disa’ xhur mill-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

9.   Ipproċessar tad-dejta personali

Kull dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni tiġi pproċessata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dik id-dejta (9).


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  Jekk jogħġbok ara l-punt 5 hawn taħt, l-aħħar subparagrafu, għal tagħrif importanti għal kumpaniji li jibagħtu l-prodott ikkonċernat lill-UE mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina iżda li jqisu li l-esportazzjonijiet kollha jew parti minnhom ma għandhomx l-oriġini doganali tagħhom fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

(3)  Produttur esportatur huwa kwalunkwe kumpanija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi u tesporta l-prodott li qed jiġi investigat lis-suq tal-Unjoni, kemm direttament kif ukoll permezz ta' parti terza, inkluż kull waħda mill-kumpaniji relatati tiegħu involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat.

(4)  Skont l-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku, kull marġni żero u de minimis, u marġnijiet stabbiliti skont iċ-ċirkostanzi deskritti fl-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku se jitwarrbu.

(5)  Il-produtturi esportaturi għandhom juru b’mod partikolari li: (i) id-deċiżjonijiet u l-ispejjeż kummerċjali jsiru b’reazzjoni għall-kundizzjonijiet tas-suq u mingħajr interferenza sinifikanti mill-Istat; (ii) id-ditti għandhom sett wieħed ċar ta’ rekords bażiċi tal-kontabilità li jiġu indipendentement ivverifikati skont l-istandards internazzjonali tal-kontabilità u li jiġu applikati għall-finijiet kollha; (iii) ma hemmx distorsjonijiet sinifikanti ttrasferiti mis-sistema preċedenti ta’ ekonomija mhux tas-suq; (iv) il-liġijiet dwar il-falliment u l-proprjetà jiggarantixxu ċertezza u stabilità legali u (v) il-konverżjonijiet tar-rati tal-kambju jsiru skont ir-rati tas-suq.

(6)  Jistgħu jintgħażlu għall-kampjun biss importaturi li ma jkunux relatati mal-produtturi esportaturi. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi esportaturi jridu jimlew l-Anness 1 tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. B'konformità mal-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 rigward l-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali Komunitarju, il-persuni għandhom jitqiesu relatati biss jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju ta' xulxin; (b) ikunu legalment rikonoxxuti bħala sħab fin-negozju; (c) huma l-impjegatur u l-impjegat; (d) kwalunkwe persuna li direttament jew indirettament hija l-proprjetarja, tikkontrolla jew għandha sehem ta’ 5 % jew iżjed tal-istokks jew l-ishma tal-votazzjoni tat-tnejn li huma; (e) wieħed minnhom, direttament jew indirettament jikkontrolla lill-ieħor; (f) it-tnejn huma kkontrollati b’mod dirett jew indirett minn persuna terza; (g) flimkien, direttament jew indirettament jikkontrollaw terza persuna; jew (h) huma membri tal-istess familja. Persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom biss xi waħda mir-relazzjonijiet li ġejjin bejniethom: konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk tal-istess żewġ ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1). F'dan il-kuntest “persuna” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika.

(7)  Id-dejta provduta minn importaturi mhux relatati tista' tintuża wkoll mal-aspetti ta' din l-investigazzjoni apparti mid-determinazzjoni tal-oġġett ta' dumping.

(8)  Dokument “Ristrett” huwa dokument li jitqies kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51) u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim Anti-dumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(9)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


ANNESS A

Image

Image

Image


ANNESS B

Image

Image