ISSN 1977-0987

doi:10.3000/19770987.C_2012.231.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 231

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 55
2 ta' Awwissu 2012


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2012/C 231/01

Ir-rata tal-interessi applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali ta' rifinanzjament: 0,75 % fl-1 ta’ Awwissu 2012 – Rata tal-kambju tal-euro

1

2012/C 231/02

Wiċċ nazzjonali ġdid tal-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni

2

2012/C 231/03

Wiċċ nazzjonali ġdid tal-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni

3

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2012/C 231/04

Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni (Każ COMP/M.6663 – Ryanair/Aer Lingus III) ( 1 )

4

2012/C 231/05

Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni (Każ COMP/M.6668 – Mondi/Nordenia) ( 1 )

5

 

ATTI OĦRAJN

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2012/C 231/06

Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

6

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

 


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

2.8.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 231/1


Ir-rata tal-interessi applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali ta' rifinanzjament (1):

0,75 % fl-1 ta’ Awwissu 2012

Rata tal-kambju tal-euro (2)

L-1 ta’ Awwissu 2012

2012/C 231/01

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,2298

JPY

Yen Ġappuniż

96,20

DKK

Krona Daniża

7,4418

GBP

Lira Sterlina

0,78750

SEK

Krona Żvediża

8,3189

CHF

Frank Żvizzeru

1,2013

ISK

Krona Iżlandiża

 

NOK

Krona Norveġiża

7,3850

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

25,358

HUF

Forint Ungeriż

280,38

LTL

Litas Litwan

3,4528

LVL

Lats Latvjan

0,6967

PLN

Zloty Pollakk

4,1058

RON

Leu Rumen

4,5938

TRY

Lira Turka

2,2112

AUD

Dollaru Awstraljan

1,1691

CAD

Dollaru Kanadiż

1,2320

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

9,5359

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,5145

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,5315

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 386,34

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

10,1682

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,8322

HRK

Kuna Kroata

7,5160

IDR

Rupiah Indoneżjan

11 618,25

MYR

Ringgit Malażjan

3,8301

PHP

Peso Filippin

51,298

RUB

Rouble Russu

39,7770

THB

Baht Tajlandiż

38,726

BRL

Real Brażiljan

2,5221

MXN

Peso Messikan

16,3514

INR

Rupi Indjan

68,2220


(1)  Rata applikata għall-operazzjoni l-iktar reċenti mwettqa qabel il-jum indikat. Fil-każ ta' sejħa għall-offerti b'rata varjabbli, ir-rata tal-interessi hija r-rata marġinali.

(2)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


2.8.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 231/2


Wiċċ nazzjonali ġdid tal-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni

2012/C 231/02

Image

Il-wiċċ nazzjonali tal-munita l-ġdida kommemorattiva taż-2 euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni u maħruġa mill-Belġju

Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni huma valuta legali fiż-żona tal-euro kollha. Sabiex il-pubbliku u l-partijiet ikkonċernati li se jużaw il-muniti jkunu infurmati, il-Kummissjoni qed tippubblika l-ispeċifikazzjonijiet tad-disinji tal-muniti ġodda kollha (1). B’konformità mal-konklużjonijiet adottati f’dan ir-rigward mill-Kunsill fl-10 ta’ Frar 2009 (2), l-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-pajjiżi li laħqu ftehim monetarju mal-Komunità li jipprevedi l-ħruġ ta’ muniti tal-euro, huma awtorizzati li joħorġu muniti kommemorattivi tal-euro sabiex jiġu ċċirkolati taħt ċertu kundizzjonijiet, speċjalment dik li l-muniti jkunu taż-2 euro biss. Dawn il-muniti għandhom l-istess speċifikazzjonijiet tekniċi bħall-muniti l-oħra taż-2 euro, iżda l-wiċċ nazzjonali tagħhom għandu disinn kommemorattiv simboliku ħafna fil-livell nazzjonali jew Ewropew.

Pajjiż emittenti: Il-Belġju

Suġġett tal-Kommemorazzjoni: Il-75 anniversarju tal-Kompetizzjoni tar-Reġina Eliżabetta

Deskrizzjoni tad-disinn: Il-parti interna tal-munita tirrappreżenta l-emblema tal-Kompetizzjoni tar-Reġina Eliżabetta fuq xbiha tar-Reġina Eliżabetta, li tħares lejn ix-xellug, filwaqt li fuq in-naħa tax-xellug u tal-lemin hemm rispettivament, il-marka tal-mastru taz-zekka u l-marka taz-zekka ta’ Brussell, profil bl-elmu tal-Arkanġlu Mikiel. ‘Il fuq mix-xbiha hemm indikati s-snin 1937-2012. Taħt ix-xbiha, hemm l-iskrizzjoni “QUEEN ELISABETH COMPETITION”. L-indikazzjoni tan-nazzjonalità “BE” tinsab fuq in-naħa tal-lemin tax-xbiha.

Iċ-ċirku estern tal-munita jirrappreżenta t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 5 miljun munita

Data tal-ħruġ: Mejju 2012.


(1)  Ara ĠU C 373, 28.12.2001, p. 1 dwar l-uċuħ nazzjonali tal-muniti kollha maħruġa fl-2002.

(2)  Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-10 ta’ Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar linji gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52).


2.8.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 231/3


Wiċċ nazzjonali ġdid tal-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni

2012/C 231/03

Image

Il-wiċċ nazzjonali tal-munita l-ġdida kommemorattiva ta' 2 euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni u maħruġa mill-Finlandja

Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni huma valuta legali fiż-żona kollha tal-euro. Il-Kummissjoni qed tippubblika deskrizzjoni tad-disinji tal-muniti ġodda kollha bil-ħsieb li tinforma lill-pubbliku u lill-partijiet kollha li jużaw il-muniti (1). Skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta' Frar 2009 (2), l-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-pajjiżi li laħqu ftehim monetarju mal-Komunità li jipprovdi għall-ħruġ ta' muniti tal-euro, għandhom il-permess joħorġu muniti tal-euro kommemorattivi intenzjonati għaċ-ċirkulazzjoni, sakemm jiġu rrispettati ċerti kundizzjonijiet, partikolarment dik li tintuża biss id-denominazzjoni taż-EUR 2. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi bħall-muniti l-oħra taż-EUR 2, iżda l-wiċċ nazzjonali tagħhom ikun fih disinn kommemorattiv li jkun simboliku ħafna f'termini nazzjonali jew Ewropej.

Pajjiż emittenti: Il-Finlandja

Is-suġġett tal-kommemorazzjoni: Il-150 anniversarju mit-twelid tal-artista Helene SCHJERFBECK.

Deskrizzjoni tad-disinn: Id-disinn juri awtokwadru stilizzat tal-artista bit-test Helene SCHJERFBECK fuq in-naħa tax-xellug u s-snin 1862-1946 fuq il-lemin. Fuq in-naħa tax-xellug fil-parti ta’ isfel tal-munita hemm il-marka tas-sena 2012 u r-referenza tal-pajjiż FI.

Iċ-ċirku estern tal-munita juri t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 2 miljuni

Data tal-ħruġ: Settembru 2012


(1)  Ara ĠU C 373, 28.12.2001, p. 1 dwar l-uċuħ nazzjonali tal-muniti kollha li nħarġu fl-2002.

(2)  Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-10 ta' Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Diċembru 2008 dwar linji gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52).


V Avviżi

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea

2.8.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 231/4


Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni

(Każ COMP/M.6663 – Ryanair/Aer Lingus III)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2012/C 231/04

1.

Fl-24 ta' Lulju tal-2012, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta' konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha l-impriża Ryanair Holdings Plc (“Ryanair”, l-Irlanda) takkwista, skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet il-kontroll sħiħ tal-impriża Aer Lingus Group Plc (“Aer Lingus”, l-Irlanda), permezz ta' offerta pubblika mħabbra fid-19 ta’ Ġunju 2012.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

għal Ryanair: kumpanija tal-ajru li toffri servizzi ta' trasport bl-ajru irħas għall-passiġġieri, essenzjalment fl-Ewropa,

għal Aer Lingus: l-ex trasportatur tal-ajru li jtajjar il-bandiera Irlandiza, u li ġiet privatizzata fl-2006. Essenzjalment, din topera fuq rotot Ewropej u transatlantiċi.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni ssib li l-operazzjoni nnotifikata tista' taqa' fl-ambitu tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet. Madanakollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati biex jibagħtu kwalunkwe kumment li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta lill-Kummissjoni.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-feks (+32 22964301), jew b'emejl lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew bil-posta, taħt in-numru ta' referenza COMP/M.6663 – Ryanair/Aer Lingus III, fl-indirizz li ġej:

Il-Kummissjoni Ewropea

Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni

Reġistru tal-Amalgamazzjonijiet

J-70

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet”).


2.8.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 231/5


Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni

(Każ COMP/M.6668 – Mondi/Nordenia)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2012/C 231/05

1.

Fil-25 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta' konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha l-impriża Mondi Plc. (“Mondi”), li hi parti minn Mondi Group, takkwista fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, kontroll esklużiv tal-impriża Nordenia International AG (“Nordenia”) permezz tax-xiri ta' ishma.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

għal Mondi: manifattur globali ta' karti għall-ippakkjar, prodotti għall-ippakkjar ikkonvertiti u karta fina mhux miksija kif ukoll operazzjonijiet ta' karti tal-gazzetti fl-Afrika t'Isfel, ir-Renju Unit u r-Russja,

għal Nordenia: manifattur multinazzjonali ta’ ppakkjar flessibbli, pellikoli tal-plastik u komponenti ta’ prodotti bbażati fuq il-pellikola.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni ssib li l-operazzjoni nnotifikata tista' taqa' fl-ambitu tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet. Madanakollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati biex jibagħtu kwalunkwe kumment li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta lill-Kummissjoni.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-feks (+32 22964301), jew b'emejl lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew bil-posta, taħt in-numru ta' referenza COMP/M.6668 – Mondi/Nordenia, fl-indirizz li ġej:

Il-Kummissjoni Ewropea

Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni

Reġistru tal-Amalgamazzjonijiet

J-70

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet”).


ATTI OĦRAJN

Il-Kummissjoni Ewropea

2.8.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 231/6


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

2012/C 231/06

Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“PANFORTE DI SIENA”

Nru KE: IT-PGI-0005-0795-28.01.2010

IĠP ( X ) DPO ( )

1.   Isem:

“Panforte di Siena”

2.   Stat Membru jew Pajjiż terz:

L-Italja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:

3.1.   Tip ta' prodott:

Klassi 2.4:

Prodotti tal-ħobż, prodotti tad-dulċiera, ħelu, galletti u gallettini.

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li japplika għalih l-isem fil-punt 1:

L-isem “Panforte di Siena” jidentifika l-prodott tal-ħelu miksub minn preparazzjoni ta' taħlita magħmula minn dqiq, konfettura tal-frott, frott imnixxef, taħlita ta' zokkrijiet, għasel u ħwawar li flimkien jinħmew ġol-forn. Il-prodott meta jitqiegħed fis-suq, jista' jkun wieħed minn dawn iż-żewġ tipi:

it-tip abjad, jekk il-wiċċ ikun miksi biz-zokkor abjad fin;

it-tip iswed, jekk il-wiċċ ikun miksi bil-ħwawar.

Il-karatteristiċi fiżiċi li jikkaratterizzaw il-“Panforte di Siena” huma:

Il-forma: tonda jew rettangolari jekk mibjugħ sħiħ; f'biċċiet kwadri jew fi flieli jekk mibjugħ f'porzjonijiet.

Id-daqs: għoli minn 14 sa 45 mm; għall-forma tonda: dijametru minn 10 sa 38 ċm; għall-forma rettangolari: minn 10 sa 20 ċm (in-naħa l-aktar baxxa) u minn 20 sa 40 ċm (l-ogħla naħa); il-piż ivarja skont id-daqs, iżda għandu jkun bejn it-33 gr u s-6 Kg.

Il-konsistenza: ratba, li ma titfarrakx meta tinqata'.

Kif jidher minn barra: il-wiċċ huwa mħarbat u irregolari;

it-tip abjad: il-kulur huwa abjad minħabba z-zokkor abjad fin li jiksih; iz-zokkor abjad fin jista' jitqiegħed f'pakkett u jinfirex fuq il-prodott meta jkun se jittiekel;

it-tip iswed: il-kulur huwa kannella skur minħabba li huwa miksi b'taħlita ta' ħwawar.

Il-karatteristiċi kimiċi: kontenut għoli ħafna ta' umdità: 15 % tal-prodott finali.

Il-karatteristiċi organolettiċi huma:

Il-benna: ħelwa, li tħalli togħma ta' konfettura tal-frott, lewż u riħa ta' ħwawar li hija ħafifa fit-tip abjad u qawwija ħafna fit-tip iswed.

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss):

Għall-produzzjoni tal-“Panforte di Siena” huma meħtieġa l-ingredjenti li ġejjin:

3.3.1.   Ingredjenti obbligatorji

3.3.1.1.

It-tip abjad:

 

dqiq tal-qamħ tat-tip “0”: li jrid jammonta għal bejn 14 u 18 % tat-taħlita;

 

frott imnixxef: ammont ta' lewż sħiħ, ħelu u mhux imqaxxar ta' mhux inqas minn 18 % tat-taħlita;

 

konfettura tal-frott: konfettura tal-qoxra tal-lumi maqtugħa f'biċċiet żgħar u konfettura tal-qoxra tal-larinġ li jridu jammontaw għal bejn 35 u 45 % tat-taħlita; il-konfettura tal-qoxra tal-lumi trid minn tal-inqas tammonta għal 25 % tal-konfettura tal-frott użata;

 

zokkrijiet: sukrożju, ġulepp tal-glukożju jew zokkor maqlub użati waħedhom jew imħalltin flimkien, li jridu jammontaw għal bejn 18 u 23 % tat-taħlita;

 

għasel: minn fjuri differenti (millefiori) li jrid jammonta għal bejn 2 u 5 % tat-taħlita;

 

ħwawar: noċemuskata u kannella li jammontaw għal bejn 0,3 u 1,5 %;

 

ingredjenti oħra: zokkor abjad fin biex jitraxxax fuq il-ħelu u karta tal-ostji biex titqiegħed bħala bażi tal-prodott.

3.3.1.2.

It-tip iswed:

 

dqiq tal-qamħ tat-tip “0”: li jrid jammonta għal bejn 8 u 18 % tat-taħlita;

 

frott imnixxef: ammont ta' lewż sħiħ, ħelu u mhux imqaxxar ta' mhux inqas minn 18 % tat-taħlita;

 

konfettura tal-frott: konfettura tal-qoxra tal-bettieħ maqtugħa f'biċċiet żgħar u konfettura tal-qoxra tal-larinġ li jridu jammontaw għal bejn 35 u 45 % tat-taħlita; il-konfettura tal-qoxra tal-bettieħ trid minn tal-inqas tammonta għal 40 % tal-konfettura tal-frott użata;

 

zokkrijiet: sukrożju, ġulepp tal-glukożju jew zokkor maqlub użati waħedhom jew imħalltin flimkien, li jridu jammontaw għal bejn 18 u 23 % tat-taħlita;

 

ħwawar: noċemuskata, kannella u bżar ħelu li jammontaw għal bejn 0,6 u 5 %;

 

ingredjenti oħra: taħlita tal-ħwawar imsemmija hawn fuq biex titraxxax fuq il-ħelu u karta tal-ostji biex titqiegħed bħala bażi tal-prodott.

3.3.2.   Ingredjenti mhux obbligatorji

3.3.2.1.

It-tip abjad:

 

frott imnixxef: ġellewż imfarrak f'perċentwali li ma jaqbiżx il-1,5 % tat-taħlita kollha;

 

konfettura tal-frott: ammont ta' konfettura tal-qoxra tal-bettieħ maqtugħa f'biċċiet żgħar li jasal sa 25 % tal-konfettura tal-frott użata;

 

ħwawar: taħlita tal-qoxra ta' barra tan-noċemuskata, bżar, piment, kosbor u msiemer tal-qronfol;

 

essenzi: tal-vanilla.

Mhumiex awtorizzati ingredjenti oħra, adittivi, koloranti u konservanti.

3.3.2.2.

It-tip iswed:

 

konfettura tal-frott: ammont ta' konfettura tal-qoxra tal-lumi maqtugħa f'biċċiet żgħar li jasal sa 25 % tal-konfettura tal-frott użata;

 

ħwawar: taħlita ta' noċemuskata, kosbor, ħlewwa stellata, imsiemer tal-qronfol, ġinġer, bżar tal-Ġamajka, bżar aħmar;

 

essenzi: tal-vanilla;

 

karamella: ammont ta' mhux aktar minn 2 % tat-taħlita;

 

ġewż: ammont ta' mhux aktar minn 5 % tat-taħlita;

 

għasel: ammont ta' mhux aktar minn 5 % tat-taħlita;

 

kawkaw biex jitraxxax fuq il-kejk.

Mhumiex awtorizzati ingredjenti oħra, adittivi, koloranti u konservanti.

Għal kull tip ta' ħelu, huwa possibbli li jiġu użati flimkien iktar minn ingredjent wieħed mhux obbligatorju, fil-limiti indikati fl-ispeċifikazzjoni.

3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):

3.5.   Stadji speċifiċi tal-produzzjoni li għandhom iseħħu fiż-żona ġeografika identifikata:

Il-proċessi kollha ta' produzzjoni jridu jsiru fiż-żona identifikata fl-Artikolu 4 għaliex hekk biss jiġu garantiti l-karatteristiċi organolettiċi tal-prodott.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.:

Il-proċeduri ta' ħidma u ta' ppakkjar iridu jsiru b'mod kontinwu, sabiex jiġi evitat li l-prodott jitlef il-konsistenza tiegħu, ladarba dan ikun bired. Il-fattur determinanti f'dan il-każ huwa li jinżamm il-livell xieraq ta' umdità indikat fil-punt 3.2. It-tendenza li jixrob l-indewwa mill-ambjent ta' barra flimkien mat-tendenza tal-prodott li jtella' fil-wiċċ, l-indewwa ta' ġewwa li ġejja mit-taħlita ta' zokkrijiet, dqiq u konfettura, jġiegħlu lill-“Panforte di Siena” jidher trasluċidu u jinħass artab u jwaħħal malli tmissu, u għalhekk dan jikkawża deterjorament tal-profil organolettiku tiegħu. Meta jitqiegħed fis-suq il-“Panforte di Siena” jiġi ppakkjat f'karti jew f'kartun irqiq li jiġu magħluqa sew, normalment ippakkjat minn qabel u ssiġillat, li jevita kemm li tiġi mixruba l-indewwa tal-ambjent, kif ukoll l-espożizzjoni għal aġenti esterni, b'mod partikolari l-effetti ta' ħsara li jiġu minn attakki ta' parassiti tal-lewż u tad-dqiq (b'mod partikolari l-Baħrija taċ-Ċereali).

3.7.   Ir-regoli speċifiċi dwar it-tikkettar:

L-ippakkjar u ż-żigarella mdawra mal-kontenitur tal-prodott irid ikollhom miktub “Panforte di Siena” u “Indikazzjoni Ġeografika Protetta” sħiħa jew imqassra f'akronimu (IĠP), kif ukoll l-informazzjoni addizzjonali li ġejja:

 

l-isem, l-isem tal-kumpanija, l-indirizz tal-impriża tal-produzzjoni u tal-ippakkjar;

 

il-grafiċi tal-prodott kif inhuma deskritti f'din is-sezzjoni, li juru l-istampa li trid tidher flimkien mal-indikazzjoni ġeografika protetta.

L-indikazzjonijiet li ġejjin jistgħu jiżdiedu kif meħtieġ f'konformità mat-tradizzjoni lokali:

 

“abjad” jew “Margherita”, għat-tip abjad;

 

“iswed”, għat-tip iswed.

Kwalunkwe żieda ta' dettalji oħra li mhumiex previsti b'mod ċar hija pprojbita.

Madanakollu, tista' ssir kwalunkwe referenza għal ditti privati sakemm dawn ma jkollhomx l-għan ta' tifħir jew li jkunu intenzjonati li jingannaw il-konsumatur, kif ukoll l-użu ta' referenzi veri oħra li jistgħu jkunu sostnuti b'dokumentazzjoni u li huma permessi mil-leġiżlazzjoni attwali u li mhumiex f'kunflitt mal-għanijiet u l-kontenut ta' dan id-dokument.

Id-denominazzjoni “Panforte di Siena” għandha tinkiteb bit-Taljan.

Il-logo: jikkonsisti f' “balzana” (tarka li għandha fuq abjad u n-naħa t'isfel iswed), imdawra bi skroll isfar ċar Pantone 1205 (5 % M/30 % Y) li jintewa fuqu nnifsu min-naħa ta' fuq.

Matul it-tul tal-iskroll hemm miktub “Panforte di Siena” bit-tipa Gill Extra Bold Condensed u b'kulur iswed; fl-angolu t'isfel hemm fjura żgħira sewda b'ħames petali li tifred il-kelma “Panforte” minn “di Siena”. Fil-freġju ta' kulur isfar dehbi Pantone 117 (30 C/40 % M/70 % Y) hemm miktub “IGP” bit-tipa Gill Extra Bold Condensed b'kulur iswed, imdawwar bi sfond abjad u b'bordura sewda. Immedjatament taħt, hemm tliet linji bil-kliem “Indicazione geografica protetta” bit-tipa Gill Extra Bold u b'kulur iswed. Il-logo jista' jiġi adattat proporzjonalment għall-użi varji f'ippakkjar differenti. L-għoli jista' jiġi mnaqqas sa minimu ta' 1,4 ċm.

Image

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika:

Iż-żona tal-produzzjoni u tal-ippakkjar tal-“Panforte di Siena” tinkludi t-territorju amministrattiv kollu tal-provinċja ta' Siena.

5.   Rabta maż-żona ġeografika:

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika:

Il-produzzjoni tal-“Panforte di Siena” ġiet stabbilita fi Siena viċin il-kunventi u l-ħwienet tal-ħwawar mill-bidu tas-seklu XII, meta bdew jikbru l-iskambji u l-kummerċ fil-belt matul Via Francigena. Il-karatteristiċi prinċipali tal-produzzjoni tal-ħelu ta' Siena mill-ewwel dehru f'dan il-kuntest, li jistgħu jinġabru fl-espressività partikolari, ikkonfermata mill-ħafna prodotti tipiċi, mill-użu sostanzjali ta' ħwawar permessi mit-tisħiħ ekonomiku mgħaġġel tal-belt, u fuq kollox minħabba l-ħila tal-ispiżjara, kif jixhdu s-suċċess u r-reputazzjoni miksuba lil hinn sew mill-ħitan tal-belt. Huwa proprju l-konsolidament matul is-sekli ta' dan l-għarfien speċifiku, imħares b'ċerta għira mill-ispiżjara ta' Siena, li fis-seklu 19 ta bidu għall-industrija lokali tal-ħelu, industrija li għada sal-lum il-ġurnata tirrappreżenta s-settur l-iktar importanti tal-ekonomija b'għadd ta' persunal, fatturat u volum ta' esportazzjoni.

It-talba għar-reġistrazzjoni tal-IĠP “Panforte di Siena” hija bbażata fuq ir-reputazzjoni tal-prodott, li hija kkonfermata minn ħafna sekli u li ġejja minn għadd ta' fatturi ekonomiċi u kulturali. Il-produzzjoni tal-ħelu, li għall-ewwel kienet tinżamm milli tinxtered barra mill-ħitan tal-belt ta' Siena, mill-1772 inxterdet matul iż-żona ta' madwar il-provinċja ta' Siena, u minn dejjem, sal-lum il-ġurnata, impjegat tip partikolari ta' ħaddiem, li jissejjaħ “panfortaio”, proprju minħabba l-kompetenzi partikolari tiegħu. Il-ħila tal-“panfortaio” qiegħda fil-kompetenza professjonali tiegħu f'kull stadju tal-produzzjoni, bħall-iċċekkjar tal-omoġenità tal-ingredjenti u tal-forma tal-prodott. Ħaddiem ieħor, li jista' jkun il-“panfortaio” stess jew persuna oħra, huwa il-“canditore”, li jikkontrolla mhux biss il-perfezzjoni tal-konfettura iżda wkoll il-bilanċ ġenerali taz-zokkrijiet fil-prodott.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott:

Il-“Panforte di Siena” għandu karatteristikament togħma matura u konsistenza soda. Meta jinqata' għandu dehra tleqq, ikkaratterizzata mill-kulur abjad kremuż tal-lewż, mill-aħdar ileqq tal-konfettura tal-qoxra tal-lumi, kif ukoll tal-konfettura tal-larinġ u mill-kulur tal-konfettura tal-qoxra tal-bettieħ misjur. Il-lewż sħiħ huwa mqassam sew u l-konsistenza hija ratba. Il-konsistenza ta' meta wieħed jogħmod, dejjem skont l-ingredjenti differenti, hija dik ta' struttura fibruża tal-lewż li tingħaqad mal-istruttura ratba tal-konfettura tal-frott u mal-għaġina li tgħaqqad kollox. Il-benna karatteristika hija ddeterminata mid-diversi togħmiet tal-ingredjenti eżaltati aktar mit-taħlita tal-ħwawar.

Ir-reputazzjoni li ma tħalli l-ebda dubju tal-“Panforte di Siena” twieldet meta dan stabbilixxa ruħu bħala l-ħelu tipiku u li ma tbiddlu ma' xejn tal-festi tal-Milied.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristika oħra tal-prodott (għall-IĠP):

Il-“Panforte di Siena” huwa x'aktarx l-aħjar ambaxxatur tal-gastronomija tradizzjonali ta' Siena. Magħruf mad-dinja kollha, għandu storja li l-oriġini tagħha tmur lura direttament għaż-żmien medjevali. Ta' min isemmi li dak iż-żmien il-“Panforte” kien jitqies bħala xi ħaġa importanti mhux biss bħala ikel raffinat iżda anke għal skopijiet kurattivi, speċi ta' plaċebo, minħabba l-ħwawar li għandu fit-taħlita tiegħu. Fuq il-ħitan li jħarsu fuq il-bankun tal-ispiżerija l-antika ta' Piazza del Campo fi Siena, huwa possibbli li wieħed jammira tpinġijiet u iskrizzjonijiet tad-deheb mill-isbaħ li juru l-“Panforte”, ir-“Ricciarelli” u prodotti oħra tipiċi ta' Siena.

L-użu attent u abbundanti ta' ħwawar flit-taħlita jirrifletti l-oriġini tal-“Panforte” li ġej minn Siena. Grazzi għall-pożizzjoni strateġika u primarja ta' Siena f'Via Francigena – il-belt dak iż-żmien kienet waħda mill-aktar sinjuri u avvanzati fl-Ewropa – il-kummerċ tal-“Panforte” jmur lura għal żmien il-Medju Evu.

Matul is-sekli, il-ħila li jintużaw ħafna ħwawar ta' kwalità għolja saret sors ta' kburija għall-kunventi u għall-ħwienet tal-ħwawar ta' Siena. Sinjal ta' dan huwa l-fatt li ħafna mill-fabbriki l-aktar magħrufa li jagħmlu l-“Panforte di Siena” kienu ħwienet tal-ħwawar antiki fir-reġjun li ġew mibdula.

Iż-żona ta' madwar Siena minn dejjem kienet ikkaratterizzata mill-produzzjoni ta' kwantitajiet vasti ta' ċereali u dqiq (speċjalment fir-reġjun tat-“Tafal ta' Siena”), frott imnixxef (speċjalment lewż u ġellewż) u għasel. Saħansitra anke xi konfetturi tal-frott juru stil tipiku ta' Siena, kemm fl-użu kif ukoll fl-oriġini tagħhom. Pereżempju, karatteristika partikolari tal-“Panforte di Siena” huwa l-użu tal-bettieħ. Din ġejja mill-preżenza tradizzjonali fir-reġjun ta' kultivar lokali bl-isem ta' “zatti”, li l-produtturi tal-“Panforte” sabu li jislef lilu nnifsu tajjeb ħafna għall-konfettura tal-frott minħabba li għandu qoxra rqiqa ħafna, laħma partikolarment ħelwa u kulur intens ħafna. Dan fil-fatt wassal biex, wara ħafna snin, il-frotta tibda titkabbar ħafna fil-pajsaġġ ta' Siena speċjalment biex tintuża fil-“Panforte di Siena”.

L-isem “Panforte” beda jiġi rreġistrat fil-bidu tas-seklu 19. Huwa f'dan is-seklu li l-ħelu ħareġ mill-ħwienet tal-ħwawar, il-produzzjoni bdiet fuq skala ħafna ikbar, u b'hekk beda jinbiegħ b'mod sinifikanti barra mir-reġjun ta' Siena, speċjalment fil-ħwienet ta' Firenze. Bil-ħidma ta' Natale Pepi, l-ewwel fabbrika ta' produzzjoni tal-“Panforte di Siena” ġiet stabbilita fl-1810 wara li taħt Napuljun ingħalqet l-ispiżerija tal-“Ospedale di Santa Maria della Scala”. Dejjem fis-seklu 19, Artusi inkluda il-“Panforte” fost il-ħelu tipiku ta' Siena fil-ktieb tiegħu tat-tisjir “La scienza in cucina e l'arte di mangiare bene” (“Ix-xjenza fil-kċina u l-arti li tiekol tajjeb”, 1891). Minn dakinhar ma kienx hawn gwida, Taljana jew le, li ma semmitux bħala espressjoni tipika tal-gastronomija ta' Siena. B'mod partikolari, f'dan ir-rigward ta' min isemmi l-gwida tat-“Touring Club Italiano” tal-1931, li tikkonferma r-reputazzjoni kbira tiegħu: “Il-kċina ta' Siena tispikka għal speċjalità magħrufa mad-dinja kollha, il-famuż Panforte di Siena”. It-tip abjad għandu data preċiża ta' twelid, l-1879, meta f'ġieħ ir-Reġina Margherita fuq żjara fi Siena minħabba t-tiġrija taż-żwiemel tal-“Palio” f'Awwissu, sar il-ħelu għall-ewwel darba b'inqas ħwawar u miksi biz-zokkor abjad fin u ngħata l-isem ġdid ta' “Panforte Margherita”. Is-suċċess immedjat tiegħu żgura li din il-fama tibqa' anke bl-isem ta' “Panforte bianco”. Il-preparazzjoni biex isir il-“Panforte di Siena” kienet tibda f'Settembru, meta kien ikun iktar faċli li jinstabu wħud mill-ingredjenti, bħall-frott imnixxef, u kienet titkompla sal-aħħar tas-sena. Imbagħad, il-ħelu kien jittiekel matul il-festi tal-Milied. Illum, il-“Panforte di Siena” isir anke barra l-perjodu tradizzjonali tal-Milied minn għadd ta' impriżi industrijali ta' daqs medju u diversi furnara u dolċeriji li huma mxerrda matul ir-reġjun u flimkien ikopru madwar nofs il-produzzjoni totali tal-ħelu tipiku ta' Siena.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:

(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

Din l-amministrazzjoni nediet il-proċedura nazzjonali ta' oġġezzjoni għall-proposta ta' rikonoxximent tal-“Panforte di Siena”, fil-Gazzetta Uffiċjal tar-Repubblica Taljana Nru 244 tad-19 ta’ Ottubru 2005.

It-test sħiħ tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott huwa disponibbli fis-sit elettroniku:

http://www.politicheagricole.it/DocumentiPubblicazioni/Search_Documenti_Elenco.htm?txtTipoDocumento=Disciplinare%20in%20esame%20UE&txtDocArgomento=Prodotti%20di%20Qualit%E0>Prodotti%20Dop,%20Igp%20e%20Stg

jew billi wieħed jidħol fil-paġna ewlenija tal-websajt tal-Ministeru (http://www.politicheagricole.it) u jikklikkja fuq “Prodotti di qualità” (fuq ix-xellug tal-iskrin) u fl-aħħar fuq “Disciplinari di produzione all’esame dell’UE [regolamento (CE) n. 510/2006]”.


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.