ISSN 1725-5198

doi:10.3000/17255198.C_2010.145.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 145

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 53
3 ta' Ġunju 2010


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

III   Atti preparatorji

 

Il-Qorti tal-Awdituri

2010/C 145/01

Opinjoni Nru 3/2010 (skont l-Artikolu 322, TFUE) fuq proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej

1

2010/C 145/02

Opinjoni Nru 4/2010 (skont l-Artikolu 322, TFUE) dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, fir-rigward tas-Servizz Ewropew ta’ Azzjoni Esterna

4

MT

 


III Atti preparatorji

Il-Qorti tal-Awdituri

3.6.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 145/1


OPINJONI Nru 3/2010

(skont l-Artikolu 322, TFUE)

fuq proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej

2010/C 145/01

IL-QORTI TAL-AWDITURI TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 322 tiegħu, flimkien mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u partikolarment l-Artikolu 106a tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-abbozz ta’ regolament (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2) (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ ir-Regolament Finanzjarju),

Wara li kkunsidrat it-talba tal-Parlament għal opinjoni dwar l-abbozz imsemmi hawn fuq li l-Qorti rċeviet fid-29 ta’ Marzu 2010 u għat-talba tal-Kunsill għal opinjoni dwar l-abbozz imsemmi hawn fuq li l-Qorti rċeviet fil-15 ta’ Marzu 2010,

ADOTTAT DIN L-OPINJONI:

1.

L-abbozz tar-regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li dwaru hemm talba għal opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri, għandu l-mira li jaġġorna r-Regolament Finanzjarju kurrenti biex jitqiesu l-bidliet li jirrizultaw mit-Trattat ta’ Liżbona li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2009.

2.

Il-Qorti tikkunsidra li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet l-emendi proposti jittrasponu perfettament il-bidliet dwar kwistjonijiet baġitarji u finanzjarji introdotti mit-Trattat ta’ Liżbona fir-Regolament Finanzjajru. Madankollu, il-Qorti għandha tħassib dwar waħda mid-dispożizzjonijiet emendati u tipproponi li żżid dispożizzjoni ġdida. Modifiki proposti għat-test jinsabu fit-tabella annessa ma’ din l-opinjoni.

Trasferimenti ta’ approprjazzjonijiet

3.

Jeħtieġ jinbidel l-Artikolu 24 tar-Regolament Finanzjarju minħabba tmiem id-distinzjoni bejn infiq obbligatorju u mhux. Il-Kummissjoni tipproponi s-sostituzzjoni tal-Artikolu 24 b’test ieħor. Il-Qorti għandha żewġ osservazzjonijiet f’dan ir-rigward.

4.

Il-paragrafi 1, 3, 4, u 6 jirreferu speċifikament għall-Kummissjoni. Madankollu, l-Artikoli 22(2) u 22(3) tar-Regolament Finanzjarju jistipulaw li l-proċedura deskritta fl-Artikolu 24 tapplika wkoll għall-istituzzjonijiet l-oħra meta jew fergħa waħda jew l-oħra tqajjem raġunijiet sostanzjati kif dovut għall-oġġezzjoni tal-proposta għal trasferiment jew meta t-trasferiment propost huwa minn titolu għal titolu u jaqbeż limitu speċifikat. Għalhekk jeħtieġ li “Kummissjoni” tkun sostitwita b’“istituzzjonijiet” f’dawk l-erba’ paragrafi.

5.

Il-Kummissjoni tipproponi fil-paragrafu 5(i) li tagħti biss tliet ġimgħat lill-awtorità tal-baġit biex din tikkunsidra proposti ta’ trasferiment li huma fi ħdan ċerti limiti (inqas minn 10 % tal-approprjazzjonijiet tal-linja li minnha ssir it-trasferiment, ammont massimu ta’ EUR 5 miljun). Il-Qorti tiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li, bħalissa, proposti ta’ trasferiment huma kkunsidrati fi ħdan il-Parlament Ewropew mill-Kumitat għall-Baġits, li l-laqgħat tiegħu jsiru kull xahar bejn wieħed u ieħor. Mingħajr ma tadotta fehma rigward il-merti jew xort’oħra ta’ din il-proposta, il-Qorti tinnota li l-implimentazzjoni tagħha kieku tqajjem problema dwar skedar ta’ żmien.

Il-proċedura tal-baġit: l-operat tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni;

6.

Il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni stabbilit mill-Artikolu 314(5) tat-TFUE huwa magħmul minn membri tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew u għandu l-kompitu li jilħaq ftehim dwar test konġunt fuq il-baġit annwali tal-Unjoni. Il-Kummissjoni se tieħu sehem fil-proċedimenti tiegħu u għandha l-kompitu li tieħu l-inizjattivi meħtieġa biex tirrikonċilja l-pożizzjonijiet taż-żewġ fergħat tal-awtorità tal-baġit. Fit-twettiq ta’ dan il-kompitu, il-Kummissjoni tista’ ssib ruħha obbligata li tieħu inizjattivi rigward l-abbozzi ta’ baġits tal-istituzzjonijiet li mhumiex irrappreżentati fil-Kumitat. Għal raġunijiet ta’ trasparenza, huwa xieraq li fir-Regolament Finanzjarju jkun hemm riflessjoni tal-konklużjonijiet tat-trilogu baġitarju tal-25 ta’ Marzu 2010. Għalhekk il-Qorti tipproponi li żżid dispożizzjoni ġdida li ssir l-Artikolu 34a.

L-Artikolu Ġdid 34a

Dawk l-istituzzjonijiet li mhumiex irrappreżentati fil-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni jistgħu jindirizzaw ir-rimarki tagħhom dwar l-impatt tal-pożizzjoni tal-Kunsill u l-emendi tal-Parlament Ewropew direttament bil-miktub lill-Kumitat. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra dawn ir-rimarki meta tifformula kwalunkwe proposta fi ħdan il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni li tista’ tolqot l-abbozzi tal-baġits ta’ dawk l-istituzzjonijiet.

7.

L-Artikolu 34a fil-proposta tal-Kummissjoni jsir l-Artikolu 34b.

Din l-Opinjoni ġiet adottata mill-Qorti tal-Awdituri fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tad-29 ta’ April 2010.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  COM(2010) 71 finali tat-3 ta’ Marzu 2010.

(2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.


ANNESS

Il-proposta tal-Kummissjoni.

Ir-rakkomandazzjoni tal-Qorti

L-Artikolu 24

1.   Il-Kummissjoni għandha tissottometti l-proposta tagħha simultanjament quddiem iż-żewġ fergħat tal-awtorità tal-baġit.

2.   L-awtorità tal-baġit għandha tieħu deċiżjonijiet dwar trasferimenti ta' approprjazzjonijiet kif stipulat fil-paragrafi 3 sa 6, ħlief kif stipulat mod ieħor fit-Titolu I tat-Tieni Parti.

3.   Ħlief f'ċirkostanzi urġenti, il-Kunsill, b'maġġoranza kwalifikata, u l-Parlament Ewropew, għandhom jiddeliberaw fuq il-proposta tal-Kummissjoni fi żmien sitt ġimgħat mid-data li fiha ż-żewġ istituzzjonijiet jirċievu l-proposta għal kull trasferiment ippreżentat lilhom.

4.   Il-proposta tat-trasferiment għandha tkun approvata, jekk fi żmien il-perjodu ta' sitt ġimgħat:

iż-żewġ fergħat japprovawha;

waħda miż-żewġ fergħat tapprovaha u l-oħra tonqos milli taġixxi;

iż-żewġ fergħat jastjenu minn kull azzjoni jew ma jkunux ħadu deċiżjoni kuntrarja għall-proposta tal-Kummissjoni.

5.   Il-perjodu ta' sitt ġimgħat imsemmi fil-paragrafu 4 jitnaqqas għal tliet ġimgħat, sakemm waħda mill-fergħat tal-awtorità tal-baġit ma titlobx mod ieħor, meta:

i)

it-trasferiment jirrappreżenta inqas minn 10 % tal-approprjazzjonijiet tal-linja li minnha jsir it-trasferiment u ma jaqbiżx il-EUR 5 miljun;

jew

ii)

it-trasferiment jirrigwarda biss approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet u l-ammont totali tat-trasferiment ma jaqbiżx il-EUR 100 miljun.

6.   Jekk waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità tal-baġit tkun emendat it-trasferiment u l-oħra tkun approvatu jew baqgħet lura milli taġixxi, jew jekk iż-żewġ fergħat ikunu emendaw it-trasferiment, l-ammont iżgħar approvat jew mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill għandu jitqies bħala approvat, sakemm il-Kummissjoni ma tirtirax il-proposta tagħha.

L-Artikolu 24

1.   L-istituzzjonijiet għandhom jissottomettu l-proposti tagħhom simultanjament quddiem iż-żewġ fergħat tal-awtorità tal-baġit.

2.   L-awtorità tal-baġit għandha tieħu deċiżjonijiet dwar trasferimenti ta' approprjazzjonijiet kif stipulat fil-paragrafi 3 sa 6, ħlief kif stipulat mod ieħor fit-Titolu I tat-Tieni Parti.

3.   Ħlief f'ċirkostanzi urġenti, il-Kunsill, b'maġġoranza kwalifikata, u l-Parlament Ewropew, għandhom jiddeliberaw fuq proposta ta’ istituzzjoni fi żmien sitt ġimgħat mid-data li fiha jirċievu l-proposta għal kull trasferiment ippreżentat lilhom.

4.   Il-proposta tat-trasferiment għandha tkun approvata, jekk fi żmien il-perjodu ta' sitt ġimgħat:

iż-żewġ fergħat japprovawha;

waħda miż-żewġ fergħat tapprovaha u l-oħra tonqos milli taġixxi;

iż-żewġ fergħat jastjenu minn kull azzjoni jew ma jkunux ħadu deċiżjoni kuntrarja għall-proposta tal-istituzzjoni.

5.   Il-perjodu ta' sitt ġimgħat imsemmi fil-paragrafu 4 jitnaqqas għal tliet ġimgħat, sakemm waħda mill-fergħat tal-awtorità tal-baġit ma titlobx mod ieħor, meta:

i)

it-trasferiment jirrappreżenta inqas minn 10 % tal-approprjazzjonijiet tal-linja li minnha jsir it-trasferiment u ma jaqbiżx il-EUR 5 miljun;

jew

ii)

it-trasferiment jirrigwarda biss approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet u l-ammont totali tat-trasferiment ma jaqbiżx il-EUR 100 miljun.

6.   Jekk waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità tal-baġit tkun emendat it-trasferiment u l-oħra tkun approvatu jew baqgħet lura milli taġixxi, jew jekk iż-żewġ fergħat ikunu emendaw it-trasferiment, l-ammont iżgħar approvat jew mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill għandu jitqies bħala approvat, sakemm il-Kummissjoni ma tirtirax il-proposta tagħha.

 

L-Artikolu 34a

Dawk l-istituzzjonijiet li mhumiex irrappreżentati fil-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni jistgħu jindirizzaw ir-rimarki tagħhom dwar l-impatt tal-pożizzjoni tal-Kunsill u l-emendi tal-Parlament Ewropew direttament bil-miktub lill-Kumitat. Il-Kummissjoin għandha tikkunsidra dawn ir-rimarki meta tifformula kwalunkwe proposta fi ħdan il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni li tista’ tolqot l-abbozzi tal-baġits ta’ dawk l-istituzzjonijiet.


3.6.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 145/4


OPINJONI Nru 4/2010

(skont l-Artikolu 322, TFUE)

dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, fir-rigward tas-Servizz Ewropew ta’ Azzjoni Esterna

2010/C 145/02

IL-QORTI TAL-AWDITURI TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 322 tiegħu, flimkien mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-abbozz tar-regolament (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2) (minn hawn ’il quddiem ir-Regolament Finanzjarju) fir-rigward tas-servizz Ewropew ta’ azzjoni esterna,

Wara li kkunsidrat it-talba tal-Kunsill għal opinjoni dwar l-abbozz imsemmi hawn fuq, irċevuta mill-Qorti fit-8 ta’ April 2010,

ADOTTAT DIN L-OPINJONI:

L-Istruttura tas-Servizz Ewropew ta’ Azzjoni Esterna

1.

L-abbozz tar-regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li dwaru hemm talba għall-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri għandu l-mira li jemenda r-Regolament Finanzjarju kurrenti sabiex ir-regoli tiegħu jiġu adattati għan-natura speċifika tas-Servizz Ewropew ta’ Azzjoni Esterna (minn hawn ’il quddiem l-EEAS) li l-eżistenza tiegħu hija prevista fl-Artikolu 27(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea kif modifikat mit-Trattat ta’ Lisbona li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2009. L-EEAS se jkun korp awtonomu tal-Unjoni taħt l-awtorità tar-Rappreżentant Għoli (minn hawn ’il quddiem HR) li se jsostnih fit-twettiq tal-mandati tiegħu. L-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-EEAS għandhom jiġu stabbiliti b'deċiżjoni tal-Kunsill. Il-proposta għal tali deċiżjoni hija datata l-25 ta’ Marzu 2010.

2.

Biex tkun żgurata l-kontinwità operazzjonali tad-delegazzjonijiet kurrenti, in-nefqa operazzjonali mwettqa mill-Kapijet tad-delegazzjonijiet se titqies bħala li tikkorrispondi għall-implimentazzjoni tal-baġit mill-Kummissjoni fuq ġestjoni diretta ċentralizzata, għalkemm l-EEAS hija istituzzjoni separata.

3.

L-EEAS se jkun magħmul minn amministrazzjoni ċentrali u delegazzjonijiet tal-Unjoni lil pajjiżi terzi u lil organizzazzjonijiet internazzjonali. Kull delegazzjoni tal-Unjoni se titmexxa minn Kap tad-Delegazzjoni li se jkollu l-awtorità fuq il-persunal kollu fid-delegazzjoni.

4.

Il-persunal tal-EEAS se jkun magħmul minn uffiċjali mis-Segretarjat ġenerali tal-Kunsill, uffiċjali tal-Kummissjoni u persunal issekondat mis-servizzi diplomatiċi tal-Istati Membri. Se jinħatru bħala aġenti temporanji skont ir-Regolamenti tal-Persunal. Għal kwistjonijiet tal-persunal, l-EEAS se jkun ittrattat bħala istituzzjoni fi ħdan it-tifsira tar-Regolamenti tal-Persunal.

Kummenti ġenerali

In-Natura tal-EEAS għall-iskop tar-Regolament Finanzjarju

5.

Il-Qorti tinnota li, bħalma kien mitlub fir-rapport mill-Presidenza lill-Kunsill Ewropew dwar is-Servizz Ewropew ta’ Azzjoni Esterna tat-23 ta’ Ottubru 2009 (3), l-EEAS se jkun servizz ta’ natura sui generis, li se jkun ittrattat bħala istituzzjoni għall-iskopijiet tar-Regolament Finanzjarju, li jgawdi mit-taqsima tiegħu stess tal-Baġit, u mibgħut hekk għall-kwittanza tal-Parlament Ewropew, filwaqt li fl-istess ħin l-EEAS, bażikament fil-livell tad-Delegazzjoni, se jibqa’ s-servizz relevanti lill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni ta’ firxa wiesgħa ta’ approprjazzjonijiet operazzjonali li jiddependu mit-taqsima “Kummissjoni” tal-Baġit.

Il-Ġestjoni ta’ struttura ġdida

6.

Il-persunal fid-Delegazzjonijiet se jkun magħmul minn persunal tal-EEAS u persunal tal-Kummissjoni. Il-Kap tad-Delegazzjoni se jirċievi delega mill-Kummissjoni, l-istituzzjoni li twettaq il-baġit u tmexxi programmi skont l-Artikolu 17 tat-TUE u l-Artikolu 317 tat-TFUE, sabiex jimplimenta approprjazzjonijiet operazzjonali f’isimha. L-istruttura l-ġdida tal-EEAS u d-dmirijiet tal-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni se tfisser li se jirrapporta lil żewġ korpi differenti. Jidher li soluzzjoni hija mfittxa fl-Artikolu l-ġdid propost 60a(2) u (3). Il-Qorti tinnota li se tinħtieġ l-attenzjoni fil-ġestjoni tal-istruttura l-ġdida sabiex fuq kollox ikunu evitati kunflitti ta’ prijoritajiet.

Il-Mekkaniżmi tat-twassil

7.

Fir-Rapport Speċjali tal-Qorti Nru 10/2004, il-Qorti osservat il-progress sinifikanti li sar fil-ġestjoni tal-għajnuna esterna fil-qafas tal-proċess ta’ “devoluzzjoni”, inklużi tisħiħ tal-unitajiet operazzjonali u finanzjarji tad-Delegazzjonijiet, proċeduri finanzjarji aktar b’saħħithom u sodi, li ġabu titjib fir-regolarità, fil-puntwalità u fil-kwalità tas-servizzi mogħtija. Il-Qorti tikkunsidra li huwa importanti għall-aħħar li jiġu ppreżervati u mtejba l-obbligu ta’ rendikont, ir-responsabbiltà, u l-kwalità tal-ġestjoni finanzjarja fil-livell ta’ Delegazzjoni. L-istrutturi organizzattivi tal-ġejjieni tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni m’għandhomx ipoġġu fir-riskju l-effettività tal-funzjonijiet operazzjonali u finanzjarji tagħhom u s-segregazzjoni tagħhom tad-dmirijiet.

8.

F’dan il-kuntest, il-proposta tista’ titqies bħala sforz biex jitħarsu, kemm jista’ jkun, il-proċeduri u l-istandards interni tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-approprjazzjonijet tagħha, f’qafas istituzzjonali ġdid u aktar kumpless.

9.

Madankollu, il-Qorti hija mħassba dwar il-fatt li dan l-objettiv huwa mfittex permezz ta’ (a) derogi sinifikanti lir-Regolament Finanzjarju, peress li s-sottodelegi tal-poteri tal-Kummissjoni tal-implimentazzjoni tal-baġit se jingħataw lill-uffiċjali awtorizzanti (Kap tad-Delegazzjonijiet) li mhux se jkunu aktar parti mid-dipartimenti tal-Kummissjoni; (b) aktar kumplessità fil-ġestjoni finanzjarja u fil-missjonijiet u fl-operati tar-rappurtar tad-Delegazzjonijiet; u (c) inċertezza konsiderevoli dwar l-allokazzjoni tal-baġit u l-ġestjoni tan-nefqa amministrattiva u ta’ appoġġ tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni, kwistjoni li mhijiex iċċarata fil-proposta.

Kummenti speċifiċi

10.

Il-Qorti għandha tħassib speċifiku dwar erbgħa mid-dispożizzjonijiet emendati u tipproponi modifiki għat-test li jinstab fit-tabella annessa ma’ din l-opinjoni.

L-emenda proposta se jkollha implikazzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-baġit “ċentralizzata u indiretta” kollha mhux biss l-EEAS

11.

L-Artikolu 30. Il-Kummissjoni tipproponi s-sostituzzjoni tal-Artikolu 30(3), l-ewwel subparagrafu minn test ġdid b’tali mod li l-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli, b'mod xieraq, informazzjoni dwar il-benefiċjarji ta’ fondi li ġejjin mill-baġit miżmum minnha meta l-baġit ikun implimentat fuq bażi ċentralizzata u skont l-Artikolu 53a. L-Artikolu 53a ġdid jipprovdi li l-implimentazzjoni tal-baġit mill-Kummissjoni fuq bażi ċentralizzata tista’ tkun diretta - jew mid-dipartimenti tagħha jew mid-Delegazzjonijiet tal-Unjoni - jew b’mod indirett, skont l-Artikoli 54 sa 57.

12.

Bħala riżultat tal-qari konġunt tal-Artikoli 30(3), l-ewwel subparagrafu u 53a l-ġodda, l-obbligu tal-Kummissjoni li żżomm informazzjoni dwar il-benefiċjarji ta’ fondi li ġejjin mill-baġit isir applikabbli għal sitwazzjonijiet fejn il-baġit huwa implimentat fuq bażi ċentralizzata b’mod dirett u indirett. Imma, fil-verżjoni kurrenti tal-Artikolu 30(3), l-ewwel subparagrafu, l-obbligu tal-Kummissjoni li żżomm informazzjoni dwar il-benefiċjarji ta’ fondi li ġejjin mill-baġit huwa limitat għal każijiet fejn il-baġit huwa implimentat fuq bażi ċentralizzata u b’mod dirett, biss.

13.

L-estensjoni tal-obbligu li tinżamm informazzjoni dwar il-benefiċjarji ta’ fondi li ġejjin mill-baġit għal sitwazzjonijiet ta’ ġestjoni ċentralizzata u indiretta mhijiex relatata mas-sitwazzjoni speċifika tal-EEAS. Għalhekk, tali estensjoni tmur lil hinn mill-kontenut tas-suġġett tal-proposta u kieku tapplika għall-ġestjoni ċentralizza u indiretta kollha. Biex tibqa’ konsistenti mal-prattika eżistenti l-Artikolu 30(3) il-ġdid, l-ewwel subparagrafu, għandu jkun emendat kif ġej:

“Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli, b'mod xieraq, l-informazzjoni dwar il-benefiċjarji ta’ fondi li ġejjin mill-baġit miżmum minnha meta l-baġit ikun implimentat fuq bażi ċentralizzata u direttament mid-dipartimenti tagħha jew mid-Delegazzjonijiet tal-Unjoni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 51, u l-informazzjoni dwar il-benefiċjarji ta’ fondi kif ipprovduti mill-entitajiet li lilhom ikunu delegati l-kompiti tal-implimentazzjoni tal-baġit taħt modi oħrajn ta’ ġestjoni”.

L-obbligu ta’ rendikont tal-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni ġie rinfurzat iżda l-emenda dwar il-kunflitt ta’ interessi tista’ ma tkunx konsistenti mal-RF

14.

L-Artikolu 60a. L-iskop tal-Artikolu 60a jidher li huwa r-rinfurzar tal-prinċipju li l-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni, li jaġixxu taħt sottodelega, huma soġġetti għall-istess regoli tal-obbligu ta’ rendikont bħal kull uffiċjal awtorizzanti ieħor b’sottodelega (skont l-Artikolu 60 tar-Regolament Finanzjarju). Il-Qorti tqis li huwa importanti li ssir enfasi fuq id-dmirijiet tal-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni f’dak ir-rigward.

15.

Madankollu, it-tieni subparagrafu jpoġġi l-Kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni responsabbli fost ħwejjeġ oħra li jsolvu l-kunflitti ta’ interessi potenzjali. Ir-referenza għall-kunċett ta’ “kunflitt ta’ interessi” f’dan il-kuntest għandha tkun evitata peress li tidher li tkopri tip ieħor ta’ “kunflitt ta’ interessi” li għalih tingħata definizzjoni fl-Artikolu 52 tar-Regolament Finanzjarju. Għall-iskopijiet ta’ konsistenza, kunċett għandu jżomm l-istess definizzjoni tul id-dispożizzjonijiet kollha tar-Regolament Finanzjarju. Il-Qorti tipproponi li temenda l-Artikolu 60a(1) skont dawk il-linji.

Jeħtieġ li jiġu ċċarati l-poteri tal-Awditur Intern

16.

L-Artikolu 85. Għal raġunijiet ta’ konsistenza, effiċjenza u effettività, il-Qorti tapprova l-għażla tal-Awditur Intern tal-Kummissjoni bħala l-awditur intern għall-EEAS. Madankollu, l-abbozzar tal-addendum propost għall-Artikolu 85 tar-Regolament Finanzjarju jagħti l-impressjoni li l-Awditur intern tal-Kummissjoni ma jeżerċitax l-istess poteri fuq l-EEAS bħalma jeżerċita fuq id-dipartimenti tal-Kummissjoni u li dawn il-poteri jistgħu jvarjaw skont liema taqsimiet relevanti – l-EEAS jew il-Kummissjoni – tal-baġit huma implimentati. Sabiex tevita kull ambigwità dwar il-poteri tal-Awditur intern, il-Qorti tissuġġerixxi s-sostituzzjoni tal-addendum propost bit-test li ġej:

“L-awditur intern tal-Kummissjoni għandu jkollu l-istess responsabbiltajiet fir-rigward tas-Servizz Ewropew ta’ Azzjoni Esterna msemmija fl-Artikolu 1, kif huwa għandu fir-rigward ta’ dipartimenti tal-Kummissjoni”.

Jidher li hemm ftit jew l-ebda skop għal xi emendi proposti

17.

L-Artikolu 165. Is-sens tal-emenda proposta għall-Artikolu 165 mhuwiex ċar. Il-Qorti ma tarax il-ħtieġa li temenda l-Artikolu 165 wara l-emenda tal-Artikolu 53a.

18.

L-Artikolu 185. L-emenda proposta għall-Artikolu 185 ma fihiex skop. L-analoġija dwar l-ambitu tal-poteri tal-Awditur intern tal-Kummissjoni trid topera biss b’referenza għad-dipartimenti tal-Kummissjoni. Għalhekk il-Qorti tipproponi li l-Artikolu 185 ma jiġix emendat.

Din l-Opinjoni ġiet adottata mill-Qorti tal-Awdituri fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tad-29 ta’ April 2010.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  COM(2010) 85 finali tal-24 ta’ Marzu 2010.

(2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)  Rapport mill-Presidenza lill-Kunsill Ewropew dwar is-Servizz Ewropew ta' Azzjoni Esterna, dokument tal-Kunsill 14930/09.


ANNESS

Il-proposta tal-Kummissjoni

Ir-rakkomandazzjoni tal-Qorti

L-Artikolu 1

(3)

Fl-Artikolu 30(3), l-ewwel subparagrafu għandu jiġi ssostitwit b’dan li ġej:

“Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli, b'mod xieraq, l-informazzjoni dwar il-benefiċjarji ta' fondi li ġejjin mill-baġit miżmum minnha meta l-baġit ikun implimentat fuq bażi ċentralizzata u skont l-Artikolu 53a, u l-informazzjoni dwar il-benefiċjarji ta' fondi kif ipprovduti mill-entitajiet li lilhom ikunu delegati l-kompiti tal-implimentazzjoni tal-baġit taħt modi oħrajn ta' ġestjoni”.

L-Artikolu 1

(3)

Fl-Artikolu 30(3), l-ewwel subparagrafu għandu jiġi ssostitwit b’dan li ġej:

“Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli, b'mod xieraq, l-informazzjoni dwar il-benefiċjarji ta' fondi li ġejjin mill-baġit miżmum minnha meta l-baġit ikun implimentat fuq bażi ċentralizzata u u l-informazzjoni dwar il-benefiċjarji ta' fondi kif ipprovduti mill-entitajiet li lilhom ikunu delegati l-kompiti tal-implimentazzjoni tal-baġit taħt modi oħrajn ta' ġestjoni”.

(9)

Fit-Taqsima 2 jiddaħħal l-Artikolu 60a li ġej:

“Artikolu 60a

1.   Meta l-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni jaġixxu bħala uffiċjali awtorizzanti b'sottodelega skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 51, huma għandhom jikkoperaw mill-qrib mal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni xierqa tal-fondi, sabiex tiġi żgurata b'mod partikolari l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet finanzjarji, ir-rispett tal-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba fil-ġestjoni tal-fondi u l-ħarsien effettiv tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

Għal dan il-għan, huma għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jipprevjenu kwalunkwe sitwazzjoni li tista' tqiegħed fil-periklu r-responsabbiltà tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit sottodelegat lilhom kif ukoll kwalunkwe kunflitt ta' interessi jew prijoritajiet li jkollhom impatt fuq l-implimentazzjoni tad-dmirijiet tal-ġestjoni finanzjarja ssottodelegati lilhom.

Meta jinqalgħu sitwazzjoni jew kunflitt kif imsemmija fit-tieni subparagrafu, il-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom jgħarrfu b'dan mingħajr dewmien lid-dipartiment tal-Kummissjoni responsabbli u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà.”

(9)

Fit-Taqsima 2 jiddaħħal l-Artikolu 60a li ġej:

“Artikolu 60a

1.   Meta l-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni jaġixxu bħala uffiċjali awtorizzanti b'sottodelega skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 51, huma għandhom jikkoperaw mill-qrib mal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni xierqa tal-fondi, sabiex tiġi żgurata b'mod partikolari l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet finanzjarji, ir-rispett tal-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba fil-ġestjoni tal-fondi u l-ħarsien effettiv tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

Għal dan il-għan, huma għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jipprevjenu kwalunkwe sitwazzjoni li tista' tqiegħed fil-periklu r-responsabbiltà tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit sottodelegat lilhom kif ukoll kwalunkwe kunflitt ta' prijoritajiet li jkollhom impatt fuq l-implimentazzjoni tad-dmirijiet tal-ġestjoni finanzjarja ssottodelegati lilhom.

Meta jinqalgħu sitwazzjoni jew kunflitt kif imsemmija fit-tieni subparagrafu, il-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom jgħarrfu b'dan mingħajr dewmien lid-dipartiment tal-Kummissjoni responsabbli u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà.”

(12)

Fl-Artikolu 85 għandhom jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“Għall-iskopijiet tal-verifika interna tal-EEAS, il-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni, li jkunu qed jaġixxu bħala uffiċjali awtorizzanti b'sottodelega skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 51 għandhom ikunu suġġetti għas-setgħat ta' verifika tal-awditur intern tal-Kummissjoni għall-ġestjoni finanzjarja mgħoddija lilhom b'sottodelega.

Għal raġunijiet ta' koerenza, l-effiċjenza u l-effiċjenza ekonomika, l-awditur intern tal-Kummissjoni għandu jaġixxi wkoll bħala l-awditur intern tal-EEAS fir-rigward tal-implimentazzjoni tat-taqsima tal-EEAS baġit.”

(12)

Fl-Artikolu 85 għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

“L-awditur intern tal-Kummissjoni għandu jkollu l-istess responsabbiltajiet fir-rigward tas-servizz Ewropew ta' Azzjoni Esterna msemmija fl-Artikolu 1, kif huwa għandu fir-rigward ta' dipartimenti tal-Kummissjoni”.

(14)

fl-Artikolu 165, l-ewwel sentenza tiġi sostitwita b'dan li ġej:

“L-implimentazzjoni ta' azzjonijiet minn pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali benefiċjarji hija suġġetta għal skrutinju mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 53a.”

(14)

fl-Artikolu 165, l-ewwel sentenza tiġi sostitwita b'dan li ġej:

“L-implimentazzjoni ta' azzjonijiet minn pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali benefiċjarji hija suġġetta għal skrutinju mill-Kummissjoni .”

(15)

Fl-Artikolu 185, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'li ġej:

“3.   L-awditur intern tal-Kummissjoni għandu jeżerċita l-istess poteri fuq il-korpi msemmija fil-paragrafu 1 kif huwa jagħmel fir-rigward ta' dipartimenti tal-Kummissjoni jew Delegazzjonijiet tal-Unjoni.”