ISSN 1725-5198

doi:10.3000/17255198.CE2010.122.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 122E

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 53
11 ta' Mejju 2010


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

III   Atti preparatorji

 

Il-Kunsill

2010/C 122E/01

Pożizzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 4/2010 fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004
Adottata mill-Kunsill fil-11 ta' Marzu 2010
 ( 1 )

1

2010/C 122E/02

Pożizzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 5/2010 fl-ewwel qari bil-għan tal-adozzjoni tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw bil-baħar jew fuq passaġġi fuq l-ilma interni u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004
Adottata mill-Kunsill fil-11 ta' Marzu 2010
 ( 1 )

19

2010/C 122E/03

Pożizzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 6/2010 fl-ewwel qari bil-ħsieb li jiġi adottat ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1331/2008 u li jħassar r-Regolament (KE) Nru 258/97 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001
Adottata mill-Kunsill fil-15 ta’ Marzu 2010
 ( 1 )

38

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

 


III Atti preparatorji

Il-Kunsill

11.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 122/1


POŻIZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 4/2010 FL-EWWEL QARI

bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004

Adottata mill-Kunsill fil-11 ta' Marzu 2010

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2010/C 122 E/01

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 91(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Azzjoni mill-Unjoni fil-qasam tat-trasport bix-xarabank u bil-kowċ għandha timmira, fost affarijiet oħra, li tiżgura livell għoli ta' protezzjoni għall-passiġġieri, li tkun komparabbli ma' modi oħra ta' trasport, kull fejn jivvjaġġaw. Barra minn hekk, għandu jittieħed kont sħiħ tar-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-konsumatur inġenerali.

(2)

Peress li l-passiġġier bix-xarabank jew bil-kowċ huwa l-aktar parti dgħajfa fil-kuntratt tat-trasport, il-passiġġieri kollha għandhom jingħataw livell minimu ta' protezzjoni.

(3)

Il-miżuri tal-Unjoni biex jittejbu d-drittijiet tal-passiġġieri fis-settur tat-trasport tax-xarabank u l-kowċ għandhom iqisu l-karatteristiċi speċifiċi ta' dan is-settur, li jikkonsisti l-aktar f'intrapriżi żgħar u ta' daqs medju.

(4)

B'kunsiderazzjoni għall-karatteristiċi speċifiċi ta' servizzi regolari speċjali u operazzjonijiet tat-trasport għal kont proprju, dawn it-tipi ta' trasport għandhom jitħallew barra mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Servizzi regolari speċjali għandhom jinkludu servizzi rriżervati għat-trasport ta' persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa, it-trasport ta' ħaddiema bejn id-dar u x-xogħol, it-trasport lejn u minn istituzzjoni edukattiva għat-tfal tal-iskola u l-istudenti

(5)

B'kunsiderazzjoni għall-karatteristiċi speċifiċi tas-servizzi urbani, suburbani u reġjonali regolari, l-Istati Membri għandhom jingħataw id-dritt li jeżentaw dawn it-tipi ta' trasport mill-applikazzjoni ta' parti sinifikanti ta' dan ir-Regolament. Sabiex jiġu identifikati s-servizzi urbani, suburbani u reġjonali regolari, l-Istati Membri għandhom jieħdu f'kunsiderazzjoni kriterji bħad-distanza, il-frekwenza tas-servizzi, in-numru ta' waqfiet skedati, it-tip ta' xarabank jew kowċ użati, l-iskemi ta' biljetti, il-varjazzjonijiet fin-numri ta' passiġġieri bejn servizzi f'perjodi ta' traffiku intens u perijodi ta' traffiku mhux intens, il-kodiċi tax-xarabank u l-iskedi.

(6)

Il-passiġġieri u, bħala minimu, il-persuni li fil-konfront tagħhom il-passiġġier kellu jew kien ikollu dmir legali li jieħu ħsiebhom għandhom igawdu minn protezzjoni legali fil-każ ta' aċċidenti li jirriżultaw mill-użu tax-xarabank jew il-kowċ, b'kunsiderazzjoni għad-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta' assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (3).

(7)

Fl-għażla tal-liġi nazzjonali applikabbli għal kumpens għall-mewt jew korriment fuq il-persuna kif ukoll għal telf ta' jew ħsara lill-bagalji minħabba aċċidenti li jirriżultaw mill-użu tax-xarabank jew il-kowċ, għandhom jitqiesu r-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II) (4) u r-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (5).

(8)

Il-passiġġieri għandhom, minbarra l-kumpens skont il-liġi nazzjonali applikabbli fil-każ ta' mewt jew korriment fuq il-persuna jew telf ta' jew ħsara lill-bagalji minħabba aċċidenti li jirriżultaw mill-użu tax-xarabank jew il-kowċ, għandu jkollhom id-dritt għall-assistenza fir-rigward tal-bżonnijiet prattiċi immedjati tagħhom wara xi aċċident. Tali assistenza tista' tinkludi l-ewwel għajnuna, akkomodazzjoni, ikel, ħwejjeġ u trasport.

(9)

Is-servizzi bix-xarabank u bil-kowċ għall-passiġġieri għandhom ikunu ta' benefiċċju għaċ-ċittadini inġenerali. Konsegwentement, il-persuni b'diżabbiltà u l-persuni b'mobbiltà mnaqqsa, kemm jekk minħabba diżabbiltà, età jew inkella minħabba xi fattur ieħor, għandu jkollhom opportunitajiet għall-użu ta' servizzi ta' xarabank u kowċ komparabbli ma' dawk ta' ċittadini oħra. Il-persuni b'diżabbiltà u l-persuni b'mobbiltà mnaqqsa għandhom l-istess drittijiet bħaċ-ċittadini l-oħra kollha f'dak li huwa moviment ħieles, libertà tal-għażla u nondiskriminazzjoni.

(10)

Fid-dawl tal-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltà u sabiex il-persuni b'diżabbiltà u l-persuni b'mobbiltà mnaqqsa jingħataw opportunitajiet għal ivvjaġġar bix-xarabank u bil-kowċ komparabbli ma' dawk ta' ċittadini oħra, għandhom jiġu stabbiliti regoli għal nondiskriminazzjoni u assistenza waqt il-vjaġġ tagħhom. Dawk il-persuni għandhom għalhekk jiġu aċċettati għat-trasport u mhux imċaħħda mit-trasport minħabba d-diżabbiltà jew il-mobbiltà mnaqqsa tagħhom, ħlief għal raġunijiet li huma ġġustifikati minħabba s-sigurtà jew id-disinn tal-vetturi jew l-infrastruttura. Fil-qafas tal-leġislazzjoni rilevanti għall-protezzjoni tal-ħaddiema, il-persuni b'diżabbiltà u l-persuni b'mobbiltà mnaqqsa għandhom igawdu d-dritt għall-assistenza fit-terminals u fuq il-vetturi. Fl-interess tal-inklużjoni soċjali, il-persuni kkonċernati għandhom jirċievu l-assistenza mingħajr ħlas. It-trasportaturi għandhom jistabbilixxu kondizzjonijiet għall-aċċess, preferibbilment bl-użu tas-sistema tal-Istandardizzazzjoni Ewropea.

(11)

Meta jiddeċiedu dwar id-disinn ta' terminals ġodda, u bħala parti minn rinnovazzjoni kbira tal-post, il-korpi għall-ġestjoni tat-terminals għandhom, fejn possibbli, iqisu l-bżonnijiet ta' persuni b'diżabbiltà u ta' persuni b'mobbiltà mnaqqsa. Fi kwalunkwe każ, il-korpi għall-ġestjoni tat-terminals għandhom jistabbilixxu postijiet fejn persuni bħal dawn jistgħu jinnotifikaw il-wasla tagħhom u l-bżonn ta' assistenza.

(12)

Sabiex iwieġbu għall-bżonnijiet tal-persuni b'diżabbiltà u l-persuni b'mobbiltà mnaqqsa, il-persunal għandu jkun imħarreġ b'mod adegwat. Bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat l-għarfien reċiproku tal-kwalifiki nazzjonali tax-xufiera, jista' jiġi pprovdut taħriġ ta' sensibilizzazzjoni għad-diżabbiltà bħala parti mill-kwalifika inizjali u taħriġ perjodiku kif imsemmi fid-Direttiva 2003/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2003 dwar il-kwalifika inizjali u taħriġ perjodiku ta' sewwieqa ta' ċerti vetturi tat-triq għat-trasport ta' prodotti jew passiġġieri (6). Sabiex tiġi żgurata l-koerenza bejn l-introduzzjoni tar-rekwiżit ta' taħriġ u l-limiti ta' żmien imniżżla f'dik id-Direttiva, għandha titħalla l-possibbiltà ta' eżenzjoni matul perijodu ta' żmien limitat.

(13)

Fejn possibbli, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi ta' persuni b'diżabbiltà jew persuni b'mobbiltà mnaqqsa għandhom jiġu kkonsultati jew involuti fl-organizzazzjoni tat-taħriġ relatat mad-diżabbiltà.

(14)

Id-drittijiet tal-passiġġieri bix-xarabank u bil-kowċ għandhom jinkludu li huma jirċievu informazzjoni rigward is-servizz qabel u matul il-vjaġġ. L-informazzjoni essenzjali kollha pprovduta lill-passiġġieri bix-xarabank u bil-kowċ għandha tkun ipprovduta wkoll f'formati alternattivi aċċessibbli għal persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa.

(15)

Dan ir-Regolament m'għandux jillimita d-drittijiet tat-trasportaturi milli jfittxu kumpens mingħand kwalunkwe persuna, inklużi partijiet terzi, skont il-liġi nazzjonali applikabbli.

(16)

L-inkonvenjenza esperjenzata mill-passiġġieri minħabba kanċellazzjoni jew dewmien twil tal-vjaġġ tagħhom għandhom jitnaqqsu. Għal dan il-għan, il-passiġġieri li jitilqu minn terminals għandhom jirċievu attenzjoni adegwata u għandhom jiġu informati b'mod adegwat. Il-passiġġieri għandhom ikunu jistgħu wkoll jikkanċellaw il-vjaġġ tagħhom u jiġu rimborżati l-prezz tal-biljetti tagħhom jew ikomplu l-vjaġġ tagħhom jew jingħataw rotta oħra taħt kundizzjonijiet sodisfaċenti.

(17)

Permezz tal-assoċjazzjonijiet professjonali tagħhom, it-trasportaturi għandhom jikkooperaw biex jadottaw arranġamenti fuq livell nazzjonali jew Ewropew bl-involviment tal-partijiet interessati, l-assoċjazzjonijiet professjonali u l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, il-passiġġieri u l-persuni b'diżabbiltà, bil-għan li jtejbu l-attenzjoni mogħtija lill-passiġġieri, speċjalment fil-każ ta' kanċellazzjoni u dewmien fit-tul.

(18)

Dan ir-Regolament m'għandux jaffettwa d-drittijiet tal-passiġġieri stabbiliti mid-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE tat-13 ta' Ġunju 1990 dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż (7). Dan ir-Regolament m'għandux japplika f'każijiet li tour kollox kompriż jiġi kkanċellat għal raġunijiet oħra għajr meta s-servizz tat-trasport bix-xarabank jew bil-kowċ jiġi ikkanċellat.

(19)

Il-passiġġieri għandhom jiġu informati għal kollox bid-drittijiet tagħhom taħt dan ir-Regolament, sabiex huma jkunu jistgħu jeżerċitaw effettivament dawn id-drittijiet.

(20)

Il-passiġġieri għandhom ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom permezz ta' proċeduri xierqa għall-ilmenti implimentati mit-trasportaturi jew, skont il-każ, billi l-ilmenti jiġu ppreżentati lill-korp jew lill-korpi magħżulin għal dak il-għan mill-Istat Membru rilevanti.

(21)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-konformità ma' dan ir-Regolament u jaħtru korp jew korpi kompetenti biex iwettqu l-kompiti ta' superviżjoni u ta' infurzar. Dan ma jaffettwax id-drittijiet tal-passiġġieri biex ifittxu rimedju legali mill-qrati skont il-liġi nazzjonali.

(22)

B'kunsiderazzjoni għall-proċeduri stabbiliti mill-Istati Membri għall-preżentazzjonui tal-ilmenti, ilment dwar l-assistenza għandu preferibbilment jiġi indirizzat lill-korp jew korpi magħżulin għall-infurzar ta' dan ir-Regolament fl-Istat Membru fejn jinsab il-post tal-imbark jew tal-iżbark.

(23)

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-pieni applikabbli għall-ksur ta' dan ir-Regolament u għandhom jiżguraw li dawn il-pieni jiġu applikati. Dawk il-pieni għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(24)

Ladarba l-għanijiet ta' dan ir-Regolament, jiġifieri biex ikun żgurat livell ekwivalenti ta' protezzjoni u ta' assistenza lill-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ fl-Istati Membri kollha, ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba fl-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stipulat f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(25)

Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (8).

(26)

L-infurzar ta' dan ir-Regolament għandu jkun ibbażat fuq ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (ir-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi) (9). Dak ir-Regolament għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ.

(27)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif imsemmi fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, filwaqt li titqies ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità (10) u d-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta' Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi (11),

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli għat-trasport bix-xarabank u bil-kowċ fir-rigward ta' dan li ġej:

(a)

nondiskriminazzjoni bejn il-passiġġieri fir-rigward tal-kondizzjonijiet tat-trasport offruti mit-trasportaturi;

(b)

id-drittijiet tal-passiġġieri f'każ ta' aċċidenti li jirriżultaw mill-użu tax-xarabank jew il-kowċ u li jirriżultaw f'mewt jew f'korriment fuq il-persuna jew it-telf ta' jew ħsara lill-bagalji;

(c)

nondiskriminazzjoni u assistenza obbligatorja għall-persuni b'diżabbiltà u għall-persuni b'mobbiltà mnaqqsa;

(d)

id-drittijiet tal-passiġġieri f'każijiet ta' kanċellazzjoni jew dewmien;

(e)

l-informazzjoni minima li għandha tingħata lill-passiġġieri;

(f)

it-trattament ta' ilmenti;

(g)

ir-regoli ġenerali dwar l-infurzar.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-passiġġieri li jivvjaġġaw fuq servizzi regolari:

(a)

meta l-post tal-imbark tal-passiġġier jinsab fit-territorju ta' Stat Membru; jew

(b)

meta l-post tal-imbark tal-passiġġier jinsab barra t-territorju ta' Stat Membru u l-post tal-iżbark tal-passiġġier jinsab fit-territorju ta' Stat Membru.

2.   Barra minn hekk, ħlief għall-Kapitolu III sa VI, dan ir-Regolament għandu japplika għall-passiġġieri li jivvjaġġaw fuq servizzi okkażjonali meta l-post inizjali tal-imbark jew il-post finali tal-iżbark tal-passiġġier jinsab fit-territorju ta' Stat Membru.

3.   Dan ir-Regolament m'għandux japplika għas-servizzi regolari speċjali u l-operazzjonijiet ta' trasport għal kont proprju.

4.   Bl-eċċezzjoni għall-Artikoli 4(2), 9 u 10(1), l-Istati Membri jistgħu jeżentaw is-servizzi urbani, suburbani u reġjonali regolari, inklużi s-servizzi transkonfinali ta' dik ix-xorta, mill-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

5.   Bl-eċċezzjoni għall-Artikoli 4(2), 9 u 10(1), l-Istati Membri jistgħu, fuq bażi trasparenti u nondiskriminatorja, jeżentawservizzi domestiċi regolari mill-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Eżenzjonijiet bħal dawn jistgħu jingħataw għal perijodu ta' mhux aktar minn ħames snin, li jista' jiġġedded darbtejn.

6.   Għal perijodu massimu ta' ħames snin, l-Istati Membri jistgħu, fuq bażi trasparenti u nondiskriminatorja, jeżentaw mill-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament servizzi regolari partikolari peress li parti sinifikanti mis-servizzi regolari, inkluża mill-anqas waqfa skedata waħda, tkun operata barra mill-Unjoni. Eżenzjonijiet bħal dawn jistgħu jiġġeddu.

7.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar eżenzjonijiet ta' tipi differenti ta' servizzi mogħtija skont il-paragrafi 4, 5 u 6. Il-Kummissjoni għandha tieħu azzjoni xierqa jekk tali eżenzjoni titqies li mhix konformi mad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu. Sa … (12), il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-eżenzjonijiet mogħtija skont il-paragrafi 4, 5 u 6.

8.   Xejn f'dan ir-Regolament m'għandu jinftiehem bħala li jikkostitwixxi rekwiżit tekniku li jimponi obbligi fuq it-trasportaturi jew il-korpi ta' ġestjoni tat-terminals biex jimmodifikaw jew jissostitwixxu x-xarabankijiet jew il-kowċijiet jew l-infrastruttura jew it-tagħmir fil-postijiet ta' waqfien u t-terminals.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“servizzi regolari” tfisser servizzi li jipprovdu għat-trasport tal-passiġġieri bix-xarabank jew bil-kowċ f'intervalli speċifikati f'rotot speċifikati, u fejn il-passiġġieri jitilgħu u jinżlu f'postijiet ta' waqfien determinati minn qabel;

(b)

“servizzi regolari speċjali” tfisser servizzi regolari, organizzati minn min ikun, li jipprovdu għat-trasport bix-xarabank jew bil-kowċ ta' kategoriji speċifikati ta' passiġġieri bl-esklużjoni ta' passiġġieri oħra;

(c)

“operazzjonijiet tat-trasport għal kont proprju” tfisser operazzjonijiet imwettqa bix-xarabank jew bil-kowċ għal għanijiet mhux kummerċjali u mingħajr profitt minn persuna fiżika jew ġuridika, fejn:

l-attività tat-trasport tkun biss attività anċillari għal dik il-persuna fiżika jew ġuridika, u

il-vetturi użati jkunu l-proprjetà ta' dik il-persuna fiżika jew ġuridika jew ikunu nkisbu minn dik il-persuna b'xiri fit-tul jew ikunu s-suġġett ta' kuntratt ta' lokazzjoni fit-tul u jiġu misjuqa minn membru tal-persunal tal-persuna fiżika jew ġuridika jew mill-persuna fiżika nnifisha jew minn persunal impjegat minn, jew imqiegħed għad-dispożizzjoni ta', l-impriża taħt obbligu kuntrattwali;

(d)

“servizzi okkażjonali” tfisser servizzi li ma jaqgħux taħt id-definizzjoni ta' servizzi regolari u li l-karatteristika ewlenija tagħhom hija t-trasport bix-xarabank jew bil-kowċ ta' gruppi ta' passiġġieri kkostitwiti fuq l-inizjattiva tal-konsumatur jew tat-trasportatur innifsu;

(e)

“kuntratt ta' trasport” tfisser kuntratt ta' ġarr bejn trasportatur u passiġġier għall-forniment ta' servizz wieħed jew aktar regolari jew okkażjonali;

(f)

“biljett” tfisser dokument validu jew evidenza oħra ta' kuntratt ta' trasport;

(g)

“trasportatur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika, minbarra operatur turistiku jew bejjiegħ tal-biljetti, li toffri trasport permezz ta' servizzi regolari jew okkażjonali lill-pubbliku ġenerali;

(h)

“trasportatur li jwettaq il-ġarr” tfisser persuna fiżika jew ġuridika oħra minbarra t-trasportatur, li fil-fatt twettaq il-ġarr kollu jew parti minnu;

(i)

“bejjiegħ tal-biljetti” tfisser kwalunkwe intermedjarju li jikkonkludi kuntratti ta' trasport f'isem trasportatur;

(j)

“aġent tal-ivvjaġġar” tfisser kwalunkwe intermedjarju li jaġixxi f'isem passiġġier għall-konklużjoni ta' kuntratti ta' trasport;

(k)

“operatur turistiku” tfisser organizzatur jew bejjiegħ bl-imnut, minbarra t-trasportatur, fis-sens tal-Artikolu 2(2) u (3) tad-Direttiva 90/314/KEE;

(l)

“persuna b'diżabbiltà” jew “persuna b'mobbiltà mnaqqsa” tfisser kull persuna li l-mobbiltà tagħha meta tuża t-trasport hija mnaqqsa b'riżultat ta' xi diżabbiltà fiżika (sensorja jew lokomotorja, permanenti jew temporanja), diżabbiltà jew indeboliment intellettwali, jew kwalunkwe kawża oħra ta' diżabbiltà, jew b'riżultat tal-età, u li s-sitwazzjoni tagħha teħtieġ attenzjoni xierqa u adattament tas-servizzi magħmulin disponibbli għall-passiġġieri kollha għall-bżonnijiet partikolari tagħha;

(m)

“kondizzjonijiet tal-aċċess” tfisser standards, linji gwida u informazzjoni rilevanti dwar l-aċċessibbiltà tax-xarabankijiet u/jew tat-terminals magħżulin, inklużi l-faċilitajiet tagħhom għall-persuni b'diżabbiltà jew persuni b'mobbiltà mnaqqsa;

(n)

“riservazzjoni” tfisser ibbukkjar ta' post fuq xarabank jew kowċ għal servizz regolari f'ħin tat-tluq speċifiku;

(o)

“terminal” tfisser terminal mgħammar bil-persunal fejn skont ir-rotta speċifikata jkun skedat li jieqaf servizz regolari biex il-passiġġieri jitilgħu jew jinżlu, u li jkollu faċilitajiet bħal bank għaċ-check-in, sala għall-istennija jew uffiċċju tal-biljetti;

(p)

“post ta' waqfien” tfisser kwalunkwe post minbarra terminal fejn skont ir-rotta speċifikata, jkun skedat li jieqaf servizz regolari biex il-passiġġieri jitilgħu jew jinżlu;

(q)

“korp għall-maniġġar ta' terminal” tfisser entità organizzattiva fi Stat Membru responsabbli għall-maniġġar ta' terminal magħżul;

(r)

“kanċellazzjoni” tfisser in-nuqqas ta' operazzjoni ta' servizz regolari li kien skedat minn qabel;

(s)

“dewmien” tfisser differenza bejn il-ħin meta s-servizz regolari kien skedat li jitlaq skont l-iskeda ppubblikata u l-ħin tat-tluq tabilħaqq tiegħu.

Artikolu 4

Biljetti u kondizzjonijiet kuntrattwali nondiskriminatorji

1.   It-trasportaturi għandhom jagħtu biljett lill-passiġġier, sakemm ma jkunux dokumenti oħra li jagħtu d-dritt għat-trasport. Biljett jista' jinħareġ f'format elettroniku.

2.   Mingħajr preġudizzju għat-tariffi soċjali, il-kondizzjonijiet tal-kuntratt u t-tariffi applikati mit-trasportaturi għandhom jiġu offruti lill-pubbliku ġenerali mingħajr ebda diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità tal-konsumatur finali jew fuq il-post ta' fejn ikunu stabbiliti t-trasportaturi, jew il-bejjiegħa tal-biljetti fl-Unjoni.

Artikolu 5

Partijiet oħra li jwettqu l-ġarr

1.   Jekk it-twettiq tal-obbligi skont dan ir-Regolament ikun ġie fdat lil trasportatur li jwettaq il-ġarr, bejjiegħ tal-biljetti jew kwalunkwe persuna oħra, it-trasportatur, l-aġent tal-ivvjaġġar, l-operatur turistiku jew il-korp għall-maniġġar tat-terminal, li fada tali obbligi, għandu minkejja dan ikun responsabbli għall-atti u l-ommissjonijiet ta' dik il-parti li twettaq il-ġarr.

2.   Barra minn hekk, il-parti li tkun ġiet fdata bit-twettiq ta' obbligu mit-trasportatur, l-aġent tal-ivvjaġġar, l-operatur turistiku jew il-korp għall-maniġġar tat-terminal għandha tkun soġġetta għad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament fir-rigward tal-obbligu fdat.

Artikolu 6

Esklużjoni tar-rinunzja

1.   L-obbligi lejn il-passiġġieri skont dan ir-Regolament m'għandhomx ikunu limitati jew rinunzjati, b'mod partikolari b'deroga jew klawsola restrittiva fil-kuntratt tat-trasport.

2.   It-trasportaturi jistgħu joffru kondizzjonijiet kuntrattwali aktar favorevoli għall-passiġġieri mill-kondizzjonijiet stipulati f'dan ir-Regolament.

KAPITOLU II

KUMPENS U ASSISTENZA F'KAŻ TA' AĊĊIDENTI

Artikolu 7

Mewt jew korriment fuq il-persuna ta' passiġġieri u telf ta' jew ħsara lill-bagalji

1.   Il-passiġġieri għandhom, skont il-liġi nazzjonali applikabbli, ikunu intitolati għal kumpens f'każ ta' mewt jew korriment fuq il-persuna kif ukoll telf ta' jew ħsara lill-bagalji minħabba aċċidenti li jirriżultaw mill-użu tax-xarabank jew il-kowċ. F'każ ta' mewt ta' passiġġier, dan id-dritt għandu bħala minimu japplika għall-persuni li l-passiġġier kellu, jew seta' jkollu, dover legali li jmantni.

2.   L-ammont ta' kumpens għandu jiġi kkalkolat skont il-liġi nazzjonali applikabbli. Kull limitu massimu previst mil-liġi nazzjonali għall-kumpens għall-mewt u l-korriment fuq il-persuna jew telf ta' jew ħsara lill-bagalji m'għandux, f'kull okkażjoni distinta, ikun inqas minn:

(a)

EUR 220 000 għal kull passiġġier;

(b)

fir-rigward ta' servizzi urbani, suburbani u reġjonali regolari jew okkażjonali EUR 500 kull bagalja u fir-rigward tas-servizzi l-oħra kollha regolari jew okkażjonali EUR 1 200 kull bagalja. F'każ ta' ħsara għas-siġġijiet tar-roti, apparat għall-mobbiltà jew tagħmir ieħor ta' assistenza l-ammont ta' kumpens għandu dejjem ikun daqs l-ispiża biex jinbidel jew jissewwa t-tagħmir mitluf jew li tkun saritlu ħsara.

Artikolu 8

Bżonnijiet prattiċi immedjati tal-passiġġieri

F'każ ta' aċċident li jirriżulta mill-użu tax-xarabank jew il-kowċ, it-trasportatur għandu jipprovdi assistenza raġonevoli fir-rigward tal-bżonnijiet prattiċi immedjati tal-passiġġieri wara l-aċċident. Kwalunkwe assistenza m'għandhiex tikkostitwixxi rikonoxximent ta' responsabbiltà.

KAPITOLU III

DRITTIJIET TAL-PERSUNI B'DIŻABBILTÀ U TAL-PERSUNI B'MOBBILTÀ MNAQQSA

Artikolu 9

Dritt għat-trasport

1.   It-trasportaturi, l-aġenti tal-ivvjaġġar u l-operaturi turistiċi m'għandhomx jirrifjutaw li jaċċettaw post ibbukkjat minn, li joħorġu jew jipprovdu xort'oħra biljett lil jew li jtellgħu abbord persuni minħabba diżabbiltà jew mobbiltà mnaqqsa.

2.   Positijiet ibbukkjati u biljetti għandhom jiġu offruti lil persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa mingħajr spejjeż żejda.

Artikolu 10

Eċċezzjonijiet u kondizzjonijiet speċjali

1.   Minkejja l-Artikolu 9(1), it-trasportaturi, l-aġenti tal-ivvjaġġar u l-operaturi turistiċi jistgħu jirrifjutaw li jaċċettaw post ibbukkjat minn, li joħorġu jew jipprovdu xort'oħra biljett lil jew li jtellgħu abbord persuna, minħabba diżabbiltà jew mobbiltà mnaqqsa:

(a)

sabiex jintlaħqu r-rekwiżiti tas-sigurtà applikabbli stabbiliti mil-liġi internazzjonali, tal-Unjoni jew nazzjonali, jew sabiex jintlaħqu r-rekwiżiti tas-saħħa u s-sigurtà stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti;

(b)

fejn id-disinn tal-vettura jew l-infrastruttura, inklużi l-postijiet ta' waqfien u t-terminals, jagħmluha fiżikament impossibbli biex isir it-tlugħ abbord, l-inżul jew il-ġarr tal-persuna b'diżabbiltà jew persuna b'mobbiltà mnaqqsa b'mod sikur u mil-lat operattiv vijabbli.

2.   F'każ ta' rifjut ta' aċċettazzjoni ta' riservazzjoni jew li jinħareġ jew jiġi pprovdut b'mod ieħor biljett minħabba r-raġunijiet imsemmijin fil-paragrafu 1, it-trasportaturi, l-aġenti tal-ivvjaġġar u l-operaturi turistiċi għandhom jagħmlu sforzi raġonevoli biex jinformaw lill-persuna kkonċernata rigward servizz alternattiv aċċettabbli operat mit-trasportatur.

3.   Jekk persuna b'diżabbiltà jew persuna b'mobbiltà mnaqqsa, li jkollha post ibbukkjat jew għandha biljett u li tkun konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 14(1)(a), tiġi xorta waħda mċaħħda l-permess li tittella' abbord minħabba d-diżabbiltà jew il-mobbiltà mnaqqsa tagħha, dik il-persuna u kwalunkwe persuna li takkumpanjaha skont il-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu għandha tiġi offruta l-għażla bejn:

(a)

id-dritt għal rimborż, u fejn rilevanti, servizz ta' ritorn mingħajr ħlas lejn l-ewwel post tat-tluq, kif stabbilit fil-kuntratt ta' trasport, mal-ewwel opportunità; u

(b)

ħlief fejn mhux fattibbli, il-kontinwazzjoni tal-vjaġġ jew il-bdil tar-rotta permezz ta' servizzi ta' trasport alternattiv raġonevoli lejn il-post tad-destinazzjoni stabbilit fil-kuntratt ta' trasport.

Id-dritt għar-rimborż tal-flus mħallsa għall-biljett m'għandux ikun affettwat min-nuqqas ta' notifika skont l-Artikolu 14(1)(a).

4.   Taħt l-istess kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1(a), trasportatur, aġent tal-ivvjaġġar jew operatur turistiku jista' jeħtieġ li persuna b'diżabbiltà jew persuna b'mobbiltà mnaqqsa tkun akkumpanjata minn persuna oħra li tkun kapaċi tipprovdi l-assistenza meħtieġa mill-persuna b'diżabbiltà jew b'mobbiltà mnaqqsa, jekk dan ikun strettament meħtieġ. Tali persuna li tkun qed takkumpanja għandha tiġi ttrasportata mingħajr ħlas u, meta vijabbli, tpoġġi maġenb il-persuna b'diżabbiltà jew il-persuna b'mobbiltà mnaqqsa.

5.   Meta trasportaturi, aġenti tal-ivvjaġġar jew operaturi turistiċi jirrikorru għall-paragrafu 1, huma għandhom jinformaw immedjatament lill-persuna b'diżabbiltà jew lill-persuna b'mobbiltà mnaqqsa bir-raġunijiet għal dan, u, fuq talba, javżaw bil-miktub lill-persuna inkwistjoni fi żmien ħamest ijiem ta' xogħol minn meta ssir it-talba.

Artikolu 11

Aċċessibbiltà u informazzjoni

1.   F'kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet rappreżentattivi ta' persuni b'diżabbiltà jew persuni b'mobbiltà mnaqqsa, it-trasportaturi u l-korpi għall-maniġġar tat-terminals għandhom, fejn meħtieġ permezz tal-organizzazzjonijiet tagħhom, jistabbilixxu, jew ikollhom fis-seħħ, kondizzjonijiet ta' aċċess nondiskriminatorji għat-trasport ta' persuni b'diżabbiltà jew persuni b'mobbiltà mnaqqsa.

2.   Il-kondizzjonijiet ta' aċċess previsti fil-paragrafu 1 għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mit-trasportaturi u mill-korpi għall-maniġġar tat-terminals fiżikament jew fuq l-Internet bl-istess lingwi bħal dawk li bihom l-informazzjoni ġeneralment tkun għad-dispożizzjoni tal-passiġġieri kollha.

3.   L-operaturi turistiċi għandhom jagħmlu disponibbli l-kondizzjonijiet ta' aċċess previsti fil-paragrafu 1 li japplikaw għal traġitti inklużi fi vjaġġi kollox kompriż, f'vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż li huma jorganizzaw, ibigħu jew joffru għall-bejgħ.

4.   L-informazzjoni dwar kondizzjonijiet ta' aċċess imsemmija fil-paragrafi 2 u 3 għandha tingħata fiżikament meta tintalab mill-passiġġier.

5.   It-trasportaturi, l-aġenti tal-ivvjaġġar u l-operaturi turistiċi għandhom jiżguraw li l-informazzjoni ġenerali kollha rilevanti dwar il-vjaġġ u l-kondizzjonijiet tal-ġarr tkun disponibbli u aċċessibbli f'formati adatti u aċċessibbli għal persuni b'diżabbiltà u għal persuni b'mobbiltà mnaqqsa, inkluż, fejn applikabbli ibbukkjar u informazzjoni online. L-informazzjoni għandha tingħata fiżikament meta tintalab mill-passiġġier.

Artikolu 12

Għażla tat-terminals

L-Istati Membri għandhom jagħżlu t-terminals tax-xarabankijiet u l-kowċijiet fejn għandha tiġi pprovduta l-assistenza lill-persuni b'diżabbiltà u l-persuni b'mobbiltà mnaqqsa. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan. Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli fuq l-Internet lista tat-terminals magħżula tax-xarabankijiet u tal-kowċijiet.

Artikolu 13

Dritt għal assistenza f'terminals magħżula u abbord xarabankijiet u kowċijiet

1.   Bla ħsara għall-kondizzjonijiet ta' aċċess previsti fl-Artikolu 11(1), it-trasportaturi u l-korpi għall-maniġġar tat-terminals għandhom, fl-oqsma ta' kompetenza rispettivi tagħhom, f'terminals magħżula mill-Istati Membri, jipprovdu assistenza mingħajr ħlas lil persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa kif speċifikat fil-parti (a) tal-Anness I.

2.   Bla ħsara għall-kondizzjonijiet ta' aċċess previsti fl-Artikolu 11(1), it-trasportaturi għandhom, abbord xarabankijiet u kowċijiet, jipprovdu assistenza mingħajr ħlas lil persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa kif speċifikat fil-parti (b) tal-Anness I.

Artikolu 14

Kondizzjonijiet li taħthom tiġi pprovduta assistenza

1.   It-trasportaturi u l-korpi għall-maniġġar tat-terminals għandhom jikkooperaw biex jagħtu assistenza lill-persuni b'diżabbiltà u lill-persuni b'mobbiltà mnaqqsa bil-kondizzjoni li:

(a)

il-bżonn tal-persuna għal assistenza bħal dik jiġi notifikat lit-trasportaturi, lill-korpi għall-maniġġar tat-terminals, lill-aġenti tal-ivvjaġġar jew lill-operaturi turistiċi mill-inqas jumejn tax-xogħol qabel ma tkun meħtieġa l-assistenza; u

(b)

il-persuni kkonċernati jippreżentaw ruħhom fil-post magħżul:

(i)

fil-ħin stipulat minn qabel mit-trasportatur li m'għandux ikun aktar minn 60 minuta qabel il-ħin tat-tluq ippubblikat; jew

(ii)

jekk ma jkun ġie stipulat l-ebda ħin, mhux aktar tard minn 30 minuta qabel il-ħin tat-tluq ippubblikat.

2.   Barra mill-paragrafu 1, persuni b'diżabbiltà jew persuni b'mobbiltà mnaqqsa għandhom jinnotifikaw lit-trasportatur, lill-aġent tal-ivvjaġġar jew lill-operatur turistiku meta jsir l-ibbukkjar jew ix-xiri minn qabel tal-biljett bil-bżonnijiet speċifiċi tagħhom tal-postijiet fejn joqogħdu bilqiegħda, kemm-il darba l-ħtieġa tkun magħrufa dak iż-żmien.

3.   It-trasportaturi, il-korpi għall-maniġġar tat-terminals, l-aġenti tal-ivvjaġġar u l-operaturi turistiċi għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiffaċilitaw id-dħul ta' notifiki dwar il-bżonn ta' assistenza li jsiru minn persuni b'diżabbiltà jew persuni b'mobbiltà mnaqqsa. Dan l-obbligu għandu japplika fit-terminals magħżula u fil-postijiet kollha tal-bejgħ tagħhom inkluż il-bejgħ bit-telefon u permezz tal-Internet.

4.   Jekk ma ssir l-ebda notifika skont il-paragrafi 1(a) u 2, it-trasportaturi, il-korpi għall-maniġġar tat-terminals, l-aġenti tal-ivvjaġġar u l-operaturi turistiċi għandhom jagħmlu kull sforz raġonevoli biex jiżguraw li l-assistenza tkun ipprovduta b'mod li l-persuna b'diżabbiltà jew il-persuna b'mobbiltà mnaqqsa tkun tista' titla' abbord is-servizz tat-tluq, tibdel għas-servizz korrispondenti jew tinżel mis-servizz tal-wasla li għalih hi tkun xtrat biljett.

5.   Il-korp għall-maniġġar tat-terminals għandu jagħżel post fit-terminal jew barra t-terminal fejn persuni b'diżabbiltà jew persuni b'mobbiltà mnaqqsa jistgħu jħabbru l-wasla tagħhom u jitolbu assistenza. Dan il-post għandu jkun immarkat b'mod ċar b'tabella u għandu joffri, f'formati aċċessibbli, informazzjoni bażika dwar it-terminal u l-assistenza pprovduta.

Artikolu 15

Trasmissjoni ta' informazzjoni lil parti terza

Jekk l-aġenti tal-ivvjaġġar jew l-operaturi turistiċi jirċievu notifika msemmija fl-Artikolu 14(1)(a), huma għandhom, fil-ħin normali tagħhom tal-uffiċċju, jibagħtu l-informazzjoni lit-trasportatur jew lill-korp għall-maniġġar tat-terminal fl-aqsar żmien possibbli.

Artikolu 16

Taħriġ

1.   It-trasportaturi u, fejn xieraq, il-korpi għall-maniġġar tat-terminals għandhom jistabbilixxu proċeduri ta' taħriġ relatati mad-diżabbiltà, inklużi struzzjonijiet, u jiżguraw li:

(a)

il-persunal tagħhom, ħlief ix-xufiera, inklużi dawk impjegati minn kwalunkwe parti oħra li twettaq il-ġarr, li jipprovdi assistenza diretta lill-persuni b'diżabbiltà u lill-persuni b'mobbiltà mnaqqsa jkunu mħarrġa jew jingħataw struzzjonijiet kif deskritt fl-Anness II, il-parti a) u b); u

(b)

il-persunal tagħhom, inklużi x-xufiera, li jittrattaw direttament mal-pubbliku li jkun qed jivvjaġġa jew ma' kwistjonijiet relatati mal-pubbliku li jkun qed jivvjaġġa, ikunu mħarrġa jew jingħataw struzzjonijiet kif deskritt fl-Anness II, il-parti a).

2.   Stat Membru jista' għal perijodu massimu ta' sentejn minn … (13) jagħti eżenzjoni mill-applikazzjoni tal-paragrafu (1)(b) fir-rigward tat-taħriġ tax-xufiera.

Artikolu 17

Kumpens rigward siġġijiet tar-roti u apparat ieħor għall-mobbiltà

1.   It-trasportaturi u l-korpi għall-maniġġar tat-terminals għandhom ikunu responsabbli meta jkunu kkawżaw it-telf ta' jew ħsara fis-siġġijiet tar-roti, apparat għall-mobbiltà jew tagħmir ieħor ta' assistenza, li jirriżulta mill-għoti ta' assistenza. It-trasportatur jew il-korp għall-maniġġar tat-terminal responsabbli għat-telf jew għall-ħsara għandhom jagħtu l-kumpens għal dak it-telf jew ħsara.

2.   Il-kumpens imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun daqs l-ispiża ta' tibdil jew tiswija tal-apparat jew tat-tagħmir mitluf jew li tkun saritlu ħsara.

3.   Fejn meħtieġ għandu jsir kull sforz biex ikun ipprovdut malajr apparat jew tagħmir ta' sostituzzjoni temporanji. Is-siġġijiet tar-roti, appart ta' mobbiltà u tagħmir ieħor ta' assistenza għandu jkollhom, fejn possibbli, karatteristiċi tekniċi u funzjonali simili għal dawk li jkunu ntilfu jew li tkun saritilhom ħsara.

Artikolu 18

Eżenzjonijiet

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2(4), l-Istati Membri jistgħu jeżentaw is-servizzi domestiċi regolari mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha ta' dan il-Kapitolu, jew xi wħud minnhom, bil-kondizzjoni li huma jkunu jistgħu jiżguraw li l-livell ta' protezzjoni tal-persuni b'diżabbiltà u l-persuni b'mobbiltà mnaqqsa taħt ir-regoli nazzjonali tagħhom tkun mill-inqas l-istess bħal dawk taħt dan ir-Regolament.

2.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'eżenzjonijiet mogħtija skont il-paragrafu 1. Il-Kummissjoni għandha tieħu azzjoni xierqa jekk tali eżenzjoni titqies li mhix konformi mad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu. Sa … (14), il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-eżenzjonijiet mogħtija skont il-paragrafu 1.

KAPITOLU IV

DRITTIJIET TAL-PASSIĠĠIERI F'KAŻ TA' KANĊELLAZZJONI JEW DEWMIEN

Artikolu 19

Kontinwazzjoni, bdil tar-rotta u rimborż

1.   Fejn trasportatur raġonevolment jipprevedi li servizz regolari ser jiġi kkanċellat jew ittardjat fit-tluq minn terminal għal aktar minn 120 minuta, il-passiġġier għandu immedjatament jiġi offrut l-għażla bejn:

(a)

kontinwazzjoni jew bdil tar-rotta lejn id-destinazzjoni finali, taħt kondizzjonijiet komparabbli, kif stabbilit fil-kuntratt ta' trasport, mal-ewwel opportunità;

(b)

rimborż tal-prezz tal-biljett u, fejn rilevanti, servizz ta' ritorn bix-xarabank jew bil-kowċ mingħajr ħlas lejn l-ewwel post tat-tluq, kif stabbilit fil-kuntratt ta' trasport, mal-ewwel opportunità.

2.   Meta servizz regolari jiġi kkanċellat jew jittardja fit-tluq minn post ta' waqfien għal aktar minn 120 minuta, il-passiġġieri għandu jkollhom id-dritt għal tali kontinwazzjoni jew bdil tar-rotta jew rimborż tal-prezz tal-biljett mit-trasportatur.

3.   Il-ħlas tar-rimborż previst fil-paragrafi 1(b) u 2 għandu jsir fi żmien 14-il jum minn meta tkun saret l-offerta jew tkun ġiet irċevuta t-talba. Il-ħlas għandu jkopri l-ispiża sħiħa tal-biljett bil-prezz li bih ikun inxtara, għall-parti jew il-partijiet tal-vjaġġ li ma sarux, u għall-parti jew il-partijiet li diġà saru jekk il-vjaġġ ma jkunx għad fadallu skop fir-rigward tal-pjan oriġinali tal-vjaġġ tal-passiġġier. Fil-każ ta' pass tal-ivjaġġar jew biljett staġunali il-ħlas għandu jkun daqs il-parti proporzjonali tiegħu tal-ispiża sħiħa tal-pass jew biljett. Ir-rimborż għandu jitħallas fi flus, sakemm il-passiġġier ma jaċċettax forma oħra ta' rimborż.

Artikolu 20

Informazzjoni

1.   F'każ ta' kanċellazzjoni jew dewmien fit-tluq ta' servizzi regolari, il-passiġġieri li jitilqu minn terminals għandhom jiġu informati mit-trasportatur jew, fejn meħtieġ, mill-korp għall-maniġġar tat-terminals, bis-sitwazzjoni malajr kemm jista' jkun u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 30 minuta wara l-ħin tat-tluq skedat, u bil-ħin tat-tluq stmat hekk kif din l-informazzjoni tkun disponibbli.

2.   Jekk il-passiġġieri jitilfu, skont l-iskeda, servizz li jkun jgħaqqad ma' servizz ieħor, minħabba kanċellazzjoni jew dewmien, it-trasportatur jew, fejn xieraq, il-korp għall-maniġġar tat-terminal, għandu jagħmel sforzi raġonevoli biex jinforma lill-passiġġieri kkonċernati dwar konnessjonijiet alternattivi.

3.   It-trasportatur jew, fejn meħtieġ, il-korp għall-maniġġar tat-terminal, għandu jiżgura li persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa jirċievu l-informazzjoni meħtieġa skont il-paragrafi 1 u 2 f'formati aċċessibbli.

Artikolu 21

Assistenza f'każ ta' tluq kanċellat jew ittardjat

Għal vjaġġ ta' tul skedat ta' aktar minn tliet siegħat, it-trasportatur, f'każ ta' kanċellazzjoni jew dewmien fit-tluq minn terminal għal aktar minn sagħtejn, għandu joffri lill-passiġġier mingħajr ħlas:

(a)

ikliet ħfief, ikliet jew xorb b'mod raġonevoli skont it-tul tal-ħin ta' stennija jew dewmien, bil-kondizzjoni li dawn ikunu disponibbli fuq ix-xarabank jew fit-terminal, jew jistgħu jkunu fornuti b'mod raġonevoli;

(b)

assistenza biex tinstab kamra f'lukanda jew akkomodazzjoni oħra kif ukoll assistenza biex jiġi rranġat trasport bejn it-terminal u l-post tal-akkomodazzjoni f'każijiet fejn ikun meħtieġ soġġorn ta' lejl wieħed jew aktar.

Fl-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, it-trasportatur għandu jagħti attenzjoni partikolari għall-bżonnijiet tal-persuni b'diżabbiltà u tal-persuni b'mobbiltà mnaqqsa u tal-persuni li jkunu qed jakkumpanjawhom.

Artikolu 22

Talbiet ulterjuri

Xejn f'dan il-Kapitolu m'għandu jipprekludi lill-passiġġieri milli jfittxu għal danni, skont il-liġi nazzjonali quddiem il-qrati nazzjonali, fir-rigward ta' telf li jirriżulta minn kanċellazzjoni jew dewmien ta' servizzi regolari.

KAPITOLU V

REGOLI ĠENERALI DWAR INFORMAZZJONI U ILMENTI

Artikolu 23

Dritt għal informazzjoni dwar l-ivjaġġar

It-trasportaturi u l-korpi għall-maniġġar tat-terminals għandhom, fl-oqsma rispettivi ta' kompetenza tagħhom, jipprovdu lill-passiġġieri informazzjoni adegwata matul il-vjaġġ kollu tagħhom. Fejn dan ikun vijabbli, din l-informazzjoni għandha tingħata f'formati aċċessibbli jekk tintalab.

Artikolu 24

Informazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri

1.   It-trasportaturi u l-korpi għall-maniġġar tat-terminals għandhom, fl-oqsma rispettivi tagħhom ta' kompetenza, jiżguraw li l-passiġġieri tingħatalhom informazzjoni xierqa u li tinftiehem fir-rigward tad-drittijiet tagħhom skont dan ir-Regolament l-aktar tard mat-tluq. L-informazzjoni għandha tingħata fit-terminals u fejn applikabbli, fuq l-Internet. Fuq talba ta' persuna b'diżabbiltà jew persuna b'mobbiltà mnaqqsa l-informazzjoni għandha tingħata f'format aċċessibbli. Din l-informazzjoni għandha tinkludi d-dettalji ta' kuntatt tal-korp jew korpi għall-infurzar magħżulin mill-Istat Membru skont l-Artikolu 27(1).

2.   Sabiex ikunu konformi mar-rekwiżit ta' informazzjoni msemmi fil-paragrafu 1, it-trasportaturi u l-korpi għall-maniġġar tat-terminals jistgħu jużaw sommarju tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament imħejji mill-Kummissjoni bil-lingwi uffiċjali kollha tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u magħmul disponibbli għalihom.

Artikolu 25

Ilmenti

It-trasportaturi għandhom jistabbilixxu jew jiddisponu minn mekkaniżmu għall-ġestjoni tal-ilmenti għad-drittijiet u l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 4, 8 u 9 sa 24.

Artikolu 26

Preżentazzjoni tal-ilmenti

Jekk passiġġier kopert minn dan ir-Regolament ikun irid iressaq ilment lit-trasportatur fir-rigward tal-Artikoli 4, 8 u 9 sa 24, huwa għandu jagħmel dan fi żmien tliet xhur mid-data li fiha jkun twettaq is-servizz regolari jew meta servizz regolari kellu jitwettaq. Fi żmien xahar minn meta jirċievi l-ilment, it-trasportatur għandu jinnotifika lill-passiġġier li l-ilment tiegħu ġie sostanzjat, miċħud jew għadu qed jiġi kkunsidrat. Iż-żmien li jittieħed biex tingħata t-tweġiba finali m'għandux ikun itwal minn tliet xhur minn meta jkun ġie rċevut l-ilment.

KAPITOLU VI

INFURZAR U KORPI NAZZJONALI TAL-INFURZAR

Artikolu 27

Korpi nazzjonali tal-infurzar

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar korp jew korpi ġodda jew eżistenti responsabbli għall-infurzar ta' dan ir-Regolament fir-rigward tas-servizzi regolari minn postijiet li jinsabu fit-territorju tiegħu u servizzi regolari minn pajjiż terz lejn dawk il-postijiet. Kull korp għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura l-konformità ma' dan ir-Regolament.

Kull korp għandu, fl-organizzazzjoni, fid-deċiżjonijet dwar finanzjament, fl-istruttura legali u fit-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu, ikun indipendenti mit-trasportaturi, mill-operaturi turistiċi u mill-korpi għall-maniġġar tat-terminals.

2.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-korp jew il-korpi magħżulin skont dan l-Artikolu.

3.   Kwalunkwe passiġġier jista' jressaq ilment, skont il-liġi nazzjonali, lill-korp xieraq magħżul skont il-paragrafu 1, jew lil kwalunkwe korp xieraq ieħor magħżul minn Stat Membru, dwar ksur allegat ta' dan ir-Regolament.

Stat Membru jista' jiddeċiedi:

(a)

li l-passiġġier bħala l-ewwel pass għandu jippreżenta ilment fir-rigward tal-Artikoli 4, 8 u 9 sa 24 lit-trasportatur; u/jew

(b)

li l-korp nazzjonali ta' infurzar jew kwalunkwe korp xieraq ieħor magħżul mill-Istat Membru għandu jaġixxi bħala korp tal-appell għall-ilmenti li ma jiġux riżolti taħt l-Artikolu 26.

Artikolu 28

Rapport dwar l-infurzar

Sa l-1 ta' Ġunju … (15) u kull sentejn wara dik id-data, il-korpi tal-infurzar magħżulin skont l-Artikolu 27(1) għandhom jippubblikaw rapport dwar l-attività tagħhom fis-sentejn kalendarji preċedenti, li jkun fih, b'mod partikolari, deskrizzjoni tal-azzjonijiet meħudin sabiex jiġi implimentat dan ir-Regolament u statistika dwar l-ilmenti u s-sanzjonijiet li jkunu ġew applikati.

Artikolu 29

Kooperazzjoni bejn korpi tal-infurzar

Il-korpi nazzjonali tal-infurzar kif imsemmijin fl-Artikolu 27(1) għandhom, fejn xieraq, jiskambjaw l-informazzjoni dwar ħidmiethom u l-prinċipji u l-prassi tat-teħid ta' deċiżjonijiet tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tappoġġahom f'dan il-kompitu.

Artikolu 30

Pieni

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'dawk ir-regoli u miżuri sa … (16) u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien bi kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.

KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 31

Rapport

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa … (17), dwar l-operat u l-effetti ta' dan ir-Regolament. Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, fejn meħtieġ, bi proposti leġislattivi li jimplimentaw f'aktar dettall id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, jew li jemendawh.

Artikolu 32

Emenda għar-Regolament (KE) Nru 2006/2004

Fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 għandu jiżdied il-punt li ġej:

“18.

Ir-Regolament (UE) Nru …/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' … dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ (18).

Artikolu 33

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika minn … (19).

Artikolu 34

Pubblikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi, …

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  Opinjoni tas-16 ta' Lulju 2009 (ĠU C 317, 23.12.2009, p. 99).

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' April 2009 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), pożizzjoni tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2010 u pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta' … (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU L 263, 7.10.2009, p. 11.

(4)  ĠU L 199, 31.7.2007, p. 40.

(5)  ĠU L 177, 4.7.2008, p. 6.

(6)  ĠU L 226, 10.9.2003, p. 4.

(7)  ĠU L 158, 23.6.1990, p. 59.

(8)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(9)  ĠU L 364, 9.12.2004, p. 1.

(10)  ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.

(11)  ĠU L 373, 21.12.2004, p. 37.

(12)  Jekk jogħġbok daħħal id-data ekwivalenti għal ħames snin wara d-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(13)  Jekk jogħġbok daħħal id-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(14)  Jekk jogħġbok daħħal id-data ekwivalenti għal ħames snin wara d-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(15)  Jekk jogħġbok daħħal id-data ekwivalenti għal sentejn wara d-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(16)  Jekk jogħġbok daħħal id-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(17)  Jekk jogħġbok daħħal id-data ekwivalenti għal tliet snin wara d-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(18)  ĠU …”

(19)  Jekk jogħġbok daħħal id-data ekwivalenti għal sentejn wara d-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.


ANNESS I

Assistenza pprovduta lil persuni b'diżabbiltà u lil persuni b'mobbiltà mnaqqsa

(a)   Assistenza f'terminals magħżulin

L-assistenza u l-arranġamenti meħtieġa biex jippermettu lil persuni b'diżabbiltà u lil persuni b'mobbiltà mnaqqsa sabiex:

jikkomunikaw il-wasla tagħhom fit-terminal kif ukoll it-talba tagħhom għal assistenza f'postijiet magħżula;

jiċċaqilqu mill-post magħżul sal-bank taċ-check-in, il-kamra għall-istennija u ż-żona għall-imbark.

jitilgħu abbord il-vettura, permezz ta' liftijiet, siġġijiet tar-roti jew assistenza oħra meħtieġa, skont il-każ,

jgħabbu l-bagalji tagħhom;

jieħdu lura l-bagalji tagħhom;

jinżlu mill-vettura;

ikollhom magħhom kelb tal-għajnuna rikonoxxut abbord ix-xarabank jew il-kowċ;

jipproċedu għall-post bilqiegħda;

(b)   Assistenza abbord

L-assistenza u l-arranġamenti meħtieġa biex jippermettu lil persuni b'diżabbiltà u lil persuni b'mobbiltà mnaqqsa sabiex:

tingħatalhom l-informazzjoni essenzjali dwar vjaġġ f'formati aċċessibbli kemm-il darba ssir talba mill-passiġġier;

jitilgħu/jinżlu waqt pawżi fi vjaġġ, jekk ikun hemm persunal ieħor minbarra x-xufier abbord.


ANNESS II

Taħriġ li għandu x'jaqsam mad-diżabbiltà

(a)   Taħriġ dwar sensibilizzazzjoni għad-diżabbiltà

It-taħriġ tal-persunal li jittratta direttament mal-pubbliku li jivvjaġġa jinkludi:

sensibilizzazzjoni għal u risponsi adatti għal passiġġieri b'diżabbiltajiet fiżiċi, sensorji (smigħ u viżiv), moħbija jew ta' tagħlim, inkluż dwar kif wieħed jiddistingwi bejn l-abbiltajiet differenti ta' persuni li l-mobbiltà, l-orjentazzjoni jew il-komunikazzjoni tagħhom tista' tkun imnaqqsa;

xkiel iffaċċjat minn persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa, inkluż xkiel ta' attitudni, ambjentali/fiżiku u organizzattiv;

klieb tal-għajnuna rikonoxxuti, inklużi r-rwol u l-bżonnijiet ta' kelb tal-għajnuna;

kif wieħed jittratta avvenimenti mhux mistennija;

ħiliet interpersonali u metodi tal-komunikazzjoni ma' persuni torox u ma' persuni neqsin mis-smigħ, ma' persuni neqsin mid-dawl, ma' persuni b'diffikultajiet fit-taħdit u ma' nies b'diżabbiltà ta' tagħlim;

kif tittratta siġġijiet tar-roti u għajnuniet oħra għall-mobbiltà bil-galbu sabiex tiġi evitata l-ħsara (jekk ikun hemm, għall-persunal kollu li hu responsabbli għall-maniġġar tal-bagalji).

(b)   Taħriġ għal assistenza fil-każ ta' diżabbiltà

It-taħriġ lill-persunal li jassisti direttament lil persuni b'diżabbiltà jew lil persuni b'mobbiltà mnaqqsa jinkludi:

kif tgħin lil min juża siġġu tar-roti jpoġġi u jqum mis-siġġu tar-roti;

ħiliet biex tingħata assistenza lil persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa li jkunu qed jivvjaġġaw b'kelb tal-għajnuna rikonoxxut, inklużi r-rwol u l-bżonnijiet ta' dawk il-klieb;

teknika għall-akkompanjament ta' passiġġieri neqsin mid-dawl u għall-immaniġġar u l-ġarr ta' klieb tal-għajnuna rikonoxxuti;

għarfien tat-tipi ta' apparat li jista' jassisti lil persuni b'diżabbiltà u lil persuni b'mobbiltà mnaqqsa u għarfien ta' kif għandu jkun immaniġġat apparat bħal dan;

l-użu ta' tagħmir ta' assistenza għat-tlugħ u għall-inżul użat u l-għarfien ta' proċeduri xierqa għal assistenza waqt it-tlugħ u l-inżul li jissalvagwardjaw is-sigurtà u d-dinjità tal-persuni b'diżabbiltà u tal-persuni b'mobbiltà mnaqqsa;

għarfien tal-ħtieġa għal assistenza affidabbli u professjonali. Barra minn hekk, għarfien tal-potenzjal ta' ċerti passiġġieri b'diżabbiltà li jesperjenzaw sensazzjonijiet ta' vulnerabbiltà waqt l-ivvjaġġar minħabba d-dipendenza tagħhom fuq l-assistenza pprovduta.

għarfien tal-ewwel għajnuna.


DIKJARAZZJONI TAR-RAĠUNIJIET TAL-KUNSILL

I.   INTRODUZZJONI

Fl-4 ta' Diċembru 2008, il-Kummissjoni ppreżentata proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (1).

Fit-23 ta' April 2009, il-Parlament Ewropew ivvota l-opinjoni tiegħu fl-ewwel qari (2).

Fis-17 ta' Diċembru 2009, il-Kunsill laħaq qbil politiku dwar l-abbozz ta' Regolament. Wara reviżjoni legali/lingwistika, il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari fi […], f'konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja stabbilita fl-Artikolu 294 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Fit-twettiq tal-ħidma tiegħu, il-Kunsill ħa kont tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Il-Kumitat tar-Reġjuni ddeċieda li ma jagħtix opinjoni.

II.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI FL-EWWEL QARI

(1)   Ġenerali

Il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ tifforma parti mill-objettiv ġenerali tal-UE li tiżgura t-trattament ugwali tal-passiġġieri, irrispettivament mill-mezz ta' trasport li jkunu għażlu li jivvjaġġaw bih. Leġislazzjoni ta' natura simili diġà ġiet adottata għall-passiġġieri li jivvjaġġaw bl-ajru (3) jew bil-ferrovija (4). Huwa fih dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà fil-każ ta' mewt jew korriment tal-passiġġieri u telf jew ħsara lill-bagalji tagħhom, soluzzjonijiet awtomatiċi meta l-ivvjaġġar jiġi interrott, it-trattament ta' ilmenti u mezzi ta’ rikors, informazzjoni għall-passiġġieri u inizjattivi oħrajn. Barra minn hekk, huwa jistabbilixxi regoli dwar l-informazzjoni u l-assistenza għall-persuni b'diżabbiltà u l-persuni b'mobbiltà mnaqqsa (PRMs).

Minkejja li l-Kunsill qabel mal-Kummissjoni dwar l-objettiv tal-proposta, l-approċċ tal-Kunsill involva adattamenti maġġuri tal-proposta oriġinali. Għadd ta' dispożizzjonijiet proposti ma kinux aċċettabbli minħabba li kienu jimponu piżijiet amministrattivi kbar wisq li jirriżultaw fi spejjeż għat-trasportaturi u l-amministrazzjonijiet nazzjonali, mingħajr tkattir ta' valur miżjud għall-passiġġieri li jegħleb dawn l-inkonvenjenzi. Oħrajn ġew abbozzati mill-ġdid b'kont meħud tal-leġislazzjonijiet differenti fl-Istati Membri, sabiex jiġi evitat konflitt bejn dan l-abbozz ta' proposta ta' Regolament u leġislazzjoni nazzjonali u Ewropea eżistenti. Finalment, dispożizzjonijiet oħrajn ġew abbozzati mill-ġdid bil-ħsieb li jissimplifikaw u jiċċaraw ir-Regolament.

Bħala riżultat ta' dan l-approċċ, il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari timmodifika, sa ċertu punt, il-proposta oriġinali tal-Kummissjoni billi tabbozzaha mill-ġdid u tħassar diversi dispożizzjonijiet tat-test. Dan jimplika li l-emendi kollha introdotti fl-opinjoni tal-Parlament Ewropew fl-ewwel qari relatati ma' dawn id-dispożizzjonijiet imħassra ma ġewx aċċettati mill-Kunsill.

Il-Kunsill jimmira lejn soluzzjoni bilanċjata li tieħu kont tad-drittijiet tal-passiġġieri kif ukoll tal-ħtieġa li tiġi żgurata l-vijabbiltà ekonomika tal-operaturi tal-industrija tax-xarabank u l-kowċ, li tikkonsisti prinċipalment minn impriżi żgħar u ta' daqs medju, u għalhekk integra l-emenda 3 tal-PE fil-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari.

(2)   Kwistjonijiet ta' politika ewlenin

(i)   Kamp ta' applikazzjoni

Fil-proposta inizjali tal-Kummissjoni, ir-Regolament kellu japplika b'mod ġenerali għall-ġarr ta’ passiġġieri minn intrapriżi tax-xarabank u/jew kowċ permezz ta’ servizzi regolari. L-Istati Membri setgħu biss jeżentaw it-trasport urban, suburban u reġjonali kopert minn kuntratti ta’ servizz pubbliku, jekk dawn il-kuntratti żguraw livell komparabbli ta’ drittijiet tal-passiġġieri għal dak meħtieġ fir-Regolament. Barra minn dan, il-Parlament Ewropew introduċa emenda waħda li tippermetti lill-Istati Membri biex jeskludu, taħt il-kondizzjoni msemmija hawn fuq mill-kamp ta' applikazzjoni, it-trasport urban u suburban iżda mhux it-trasport reġjonali.

Il-Kunsill ma setax jaċċetta l-kamp ta' applikazzjoni kif propost mill-Kummissjoni, lanqas l-emendi tal-PE relatati miegħu (l-emendi 1, 2 u 81), għaliex huwa kkunsidra li t-trasport urban, suburban u reġjonali jaqgħu fil-qafas tas-sussidjarjetà.

L-inklużjoni tat-trasport reġjonali fil-kamp ta' applikazzjoni, kif propost mill-Parlament Ewropew, tista' toħloq problemi kemm għall-passiġġieri kif ukoll għall-industrija. Normalment, f'żoni urbani kbar, il-kumpanniji joperaw netwerk tat-trasport sħiħ inklużi s-servizzi tax-xarabank, servizzi ta' taħt l-art, ferroviji tal-passiġġieri u servizzi tat-tram. Spiss, dawn is-servizzi kollha huma ta' karattru urban, suburban u reġjonali. Ir-restrizzjoni tal-eżenzjoni għas-servizzi urbani u suburbani biss tfisser li partijiet minn dawn in-netwerks ikunu soġġetti għal regoli li huma mfassla għal distanzi twal. Il-kumpanniji li joperaw dawn in-netwerks imbagħad ikollhom, fl-istess netwerk, jittrattaw sistemi diversi ta' kumpens, li wħud minnhom mhumiex verament adatti għal dan it-tip ta' trasport. Hija tħawwad ukoll lill-passiġġieri li jivvjaġġaw f'dawn in-netwerks għaliex huma jiffaċċjaw diffikultajiet biex ikunu jafu liema regoli huma effettivament applikabbli.

Barra minn hekk, peress li hemm possibbiltà għal eżenzjoni tas-servizzi ferrovjarji reġjonali fir-regolament eżistenti dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport ferrovjarju, in-nuqqas ta' dispożizzjoni korrispondenti fir-regolament dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank jista' jxekkel il-kompetizzjoni bejn iż-żewġ setturi. U s-servizzi tax-xarabank u dawk ferrovjarji spiss iservu ta' alternattiva għal xulxin.

Għalhekk, il-Kunsill ma setax jaċċetta l-emendi tal-PE relatati mal-kamp ta' applikazzjoni. Għalhekk il-Kunsill jipproponi li l-abbozz ta' Regolament għandu japplika għall-passiġġieri li qed jivvjaġġaw b'servizzi regolari nazzjonali u internazzjonali, iżda bil-possibbiltà fil-livell nazzjonali li jiġu eżentati s-servizzi regolari urbani, suburbani u reġjonali. Barra minn hekk, il-Kunsill jintroduċi dispożizzjoni li tiżgura li ċerti drittijiet minimi huma applikati għas-servizzi kollha bix-xarabank u bil-kowċ mingħajr eċċezzjoni (jiġifieri kondizzjonijiet kuntrattwali u tariffi li ma jkunux diskriminatorji u d-dritt ta' trasport għall-persuni b'diżabbiltà jew persuni b'mobbiltà mnaqqsa kif ukoll derogi relatati).

L-Istati Membri huma awtorizzati li jagħtu eżenzjoni għal perijodu massimu ta' ħames snin, li jista' jiġġedded darbtejn, mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għal servizzi regolari domestiċi. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjoni għal perijodu massimu ta' ħames snin, li jista' jiġġedded, għal servizzi regolari partikolari li parti sinifikanti minnhom, inkluża tal-anqas waqfa waħda skedata, tiġi operata barra l-Unjoni.

Barra minn hekk, b'rabta mal-kamp ta' applikazzjoni, dispożizzjoni speċifika tistabbilixxi li l-Istati Membri li jistgħu jiżguraw li l-livell ta' protezzjoni tal-persuni b'diżabbiltà u l-persuni b'mobbiltà mnaqqsa skont ir-regoli nazzjonali tagħhom tkun mill-inqas l-istess bħal dawk taħt dan ir-Regolament, jistgħu jippreservaw kompletament ir-regoli nazzjonali tagħhom.

(ii)   Bidliet fl-infrastruttura

Fir-rigward tal-infrastruttura, il-Kunsill huwa lest li jħeġġeġ u jappoġġa kwalunkwe inizjattiva fir-rigward ta' tagħmir u infrastruttura ġodda, li għandhom jiġu akkwistati jew mibnija b'kont meħud tal-ħtiġijiet ta' persuni b'diżabbiltà u PRMs, kif inhu ddikjarat b'mod ċar fi premessa. Madankollu, dan ir-Regolament huwa stabbilit fil-qafas tal-leġislazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u għalhekk ma jistax jinkludi obbligi dwar rekwiżiti tekniċi għat-trasportaturi biex jimmodifikaw jew jissostitwixxu l-vetturi jew l-infrastruttura u t-tagħmir fit-terminals. Għalhekk, l-emendi tal-PE fir-rigward tal-infrastruttura ma setgħux jiġu aċċettati (emendi 6-10).

(iii)   Kumpens u assistenza fil-każ ta' aċċidenti

Il-proposta tal-Kummissjoni tistabbilixxi r-regoli dwar ir-responsabbiltà tal-intrapriżi tax-xarabank u/jew kowċ għall-passiġġieri u l-bagalji tagħhom. Il-passiġġieri jibbenefikaw minn regoli armonizzati dwar ir-responsabbiltà tal-intrapriżi tax-xarabank u/jew kowċ. Għal kwalunkwe dannu li ma jaqbiżx l-ammont ta’ EUR 220 000, intrapriża tax-xarabank u/jew kowċ għandu jkollha responsabbiltà stretta, jiġifieri m’għandhiex ikollha l-possibbiltà teskludi r-responsabbiltà tagħha billi tagħti prova li l-aċċident ma kienx ikkawżat ħtija tagħha. Għad-danni ta' aktra minn EUR 220 000 ir-responsabbiltà tkun ibbażata fuq il-ħtija, iżda mhux limitata. Il-passiġġieri li jsofru aċċident jkunu intitolati għal pagamenti bil-quddiem sabiex ikunu indirizzati diffikultajiet ekonomiċi li huma jew il-familji tagħhom jistgħu jiffaċċjaw bħala konsegwenza ta’ mewt jew korriment.

Madankollu, is-sistemi eżistenti ta' responsabbiltà fis-seħħ fl-Istati Membri huma differenti ħafna fir-rigward tal-bażi għar-responsabbiltà (ir-responsabbiltà stretta mingħajr limitu, ir-responsabbiltà stretta b'eżenjonijiet ta' forza maġġuri u r-responsabbiltà bbażata fuq ħtija) u ma jistgħux jiġu rikonċiljati. Barra minn hekk, il-leġislazzjoni fl-Istati Membri differenti hija parzjalment mibnija fuq id-Direttiva 2009/103/KE, relatata mal-assigurazzjoni kontra r-reponsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta' vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu li ssir assigurazzjoni kontra tali responsabbiltà (“Id-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni ta' Vetturi bil-Mutur”) u parzjalment fuq il-leġislazzjoni nazzjonali. Dawn it-testi diġà qed jirregolaw ir-responsabbiltà għall-passiġġieri tax-xarabank u hu essenzjali li jiġu evitati l-konflitti bejn it-test preżenti u “id-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni ta' Vetturi bil-Mutur” imsemmija hawn fuq.

Għalhekk il-Kunsill adotta approċċ li jibni fuq is-sistema eżistenti, waqt li fl-istess ħin jiżdiedu xi elementi bażiċi ta' armonizzazzjoni. Hu propost limitu minimu għal kull passiġġier u kull bagalja: 220 000 EUR għal kull passiġġier f'każ ta' mewt jew feriment personali. F'każ ta' telf ta' jew dannu għal bagalji, 500 EUR fir-rigward tas-servizzi urbani, suburbani u reġjonali u 1 200 EUR fir-rigward ta' servizz regolari oħra. Dan jallinja l-kumpens għall-bagalji mad-dispożizzjonijiet korrispondenti fir-“Regolament ferrovjarju”, waqt li fl-istess ħin jittieħed kont tal-ispeċifiċitajiet tat-trasport urban, suburban u reġjonali. Fir-rigward tas-, tagħmir ta' mobbiltà jew tagħmir ta' assistenza ieħor, it-test tal-Kunsill jipprevedilhom li jieħdu kumpens sħiħ, minflok li jiġu ttrattati bħala bagalji normali, anki meta d-danni jkunu kkawżati waqt l-għoti ta' assistenza (skont l-ispirtu tal-emenda 46 tal-PE).

Barra minn hekk, it-test ġie adattat biex jipprevedi assistenza għal passiġġieri fir-rigward tal-ħtiġijiet prattiċi immedjati tagħhom wara aċċident. Tali dispożizzjoni ma tinsabx fid-“Direttiva dwar l-Assigurazzjoni ta' Vetturi bil-Mutur” u tirrappreżenta benefiċċju reali għall-passiġġier tax-xarabank, filwaqt li l-piż amministrattiv għall-kumpanniji tax-xarabank u/jew kowċ ma jiżdiedx b'mod sinifikanti.

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, il-Kunsill ma setax jaċċetta l-approċċ propost tal-Kummissjoni u lanqas l-emendi tal-PE relatati mar-responsabbiltà (emendi 18-24).

(iv)   Drittijiet tal-persuni b'diżabbiltà u tal-persuni b'mobbiltà mnaqqsa (PRM)

Il-Kunsill jappoġġa bil-qalb kollha l-objettiv tal-Kummissjoni li jiġi żgurat li persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa jkollhom aċċess mhux diskriminatorju għat-trasport bix-xarabank u l-kowċ. Għalhekk, il-Kunsill isegwi mill-qrib il-proposta tal-Kummissjoni, għalkemm jimmodifika xi dispożizzjonijiet sabiex jagħmilhom fattibbli u jintroduċi ċerti simplifikazzjonijiet u kjarifiki. Fir-rigward ta' dan il-Kapitolu, il-Kunsill integra diversi emendi tal-PE fit-test tiegħu, jew kompletament, jew parzjalment jew fl-ispirtu.

Fir-rigward tal-eċċezzjonijiet għad-dritt tat-trasport, il-Kummissjoni kienet ipproponiet li persuna b'diżabbiltà setgħet tiġi mċaħħda trasport b'relazzjoni għar-rekwiżiti ta' sikurezza jew tad-daqs tal-vettura. Il-Kunsill ippreveda xi titjib, b'referenza għad-“disinn” tal-vettura minflok id-“daqs”, biex b'hekk jintegra l-emendi tal-PE 26 u 27 fis-sustanza jew fl-ispirtu. Barra minn hekk, il-Kunsill aċċetta wkoll l-emenda 73 fir-rigward tal-għażla li għandha tiġi offruta lil persuna b'diżabbiltà jew PRM meta tiġi mċaħħda l-imbark.

Skont il-proposta inizjali, it-trasportatur jista' jesiġi li persuna b’diżabbiltà jew persuna b’mobbiltà mnaqqsa tkun akkumpanjata minn persuna oħra li tkun kapaċi tipprovdilha l-assistenza. Skont il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari, jekk it-trasportatur jagħmel tali talba fir-rigward tas-servizz tal-passiġġieri, il-persuna li takkumpanja għandha tinġarr mingħajr ħlas u, meta fattibbli, titpoġġa ħdejn il-persuna b'diżabbiltà jew il-PRM. Din id-dispożizzjoni tintegra, fis-sustanza, l-emenda 29 tal-PE.

It-test tal-Kunsill fl-ewwel qari jipprevedi kondizzjonijiet ta' aċċess mhux diskriminatorju kif ukoll li jsiru pubblikament disponibbli f'format adatt għall-persuni b'diżabbiltà u l-PRMs, biex b'hekk aċċetta, parzjalment jew kompletament, l-emendi 31 u 32 tal-PE. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli fuq l-internet lista ta' terminals tax-xarabank u tal-kowċ magħżula mill-Istati Membri fejn tingħata assistenza lill-persuni b'diżabbiltà u lill-PRM, kif deskritt fl-emenda 36 tal-PE.

Fir-rigward tal-assistenza lil persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa, tali assistenza ser tiġi pprovduta bil-kondizzjoni li l-persuna kkonċernata tinnotifika lit-trasportatur jew l-operatur tat-terminal mhux anqas minn jumejn tax-xogħol bil-quddiem (il-Kummissjoni pproponiet 48 siegħa) u tkun preżenti f'punt magħżul tal-anqas 60 minuta qabel il-ħin tat-tluq ippubblikat. Għalhekk il-Kunsill ma setax jaċċetta l-emenda 39 li tipproponi perijodu aqsar ta' 24 siegħa. Barra minn hekk, jekk il-persuna jkollha bżonnijiet speċifiċi ta' post fejn tpoġġi bilqiegħda, il-passiġġier għandu jinnotifika lit-trasportatur b'tali ħtiġijiet fil-mument tar-riżervazzjoni, jekk ikun jaf bil-ħtieġa dak il-ħin. Dan ir-rekwiżit addizzjonali, introdott mill-Kunsill, ser jippermetti li t-trasportatur jissodisfa dawk il-ħtiġijiet speċifiċi u jagħti l-aħjar servizz possibbli lill-persuna kkonċernata.

Fir-rigward tal-assistenza abbord, il-Kunsill illimita l-kamp ta' applikazzjoni tal-proposta inizjali tal-Kummissjoni. It-test tal-Kunsill jistabbilixxi li l-informazzjoni għandha tingħata f'format aċċessibbli kif ukoll assistenza għat-tlugħ u nżul waqt pawżiet fil-vjaġġ, iżda dan tal-aħħar isir biss jekk ikun hemm persunal ieħor minbarra x-xufier abbord. Dan jieħu kont tal-fatt li l-biċċa l-kbira tal-vetturi huma operati mix-xufier waħdu u għalhekk l-għoti ta' assistenza waqt il-vjaġġ ser ikollu impatt fuq il-ħin tas-sewqan, u għalhekk fuq ir-rekwiżiti ta' sikurezza.

L-għajnuna lill-persuni b'diżabbiltà u lill-PRMs għandha tinghata b'xejn f'terminals, li jkun fihom persunal, magħżula mill-Istati Membri u l-persunal li jagħti assistenza diretta lil dawn il-persuni għandu jkun irċieva taħriġ adegwat li jippermettilu li jassisti lil dawn il-persuni. Il-persunal, inkluż ix-xufiera, li jittrattaw direttament mal-pubbliku li jivjaġġa, għandu jirċievi taħriġ dwar sensibilizzazjoni għad-diżabbiltà.

(v)   Drittijiet tal-passiġġieri fil-każ ta' kanċellazzjoni jew dewmien

Il-proposta tal-Kummissjoni kienet tipprevedi obbligi tal-intrapriżi tax-xarabank u/jew kowċ fil-każ ta’ vjaġġi interrotti, minħabba kanċellazzjoni ta’ servizz jew dewmien. L-impriżi għandhom iħallsu kumpens li jammonta għal 100 % tal-prezz tal-biljett, jekk naqsu li jipprovdu servizzi alternattivi jew l-informazzjoni meħtieġa.

Filwaqt li l-Kunsill jappoġġa kompletament il-prinċipju li t-trasportaturi u l-operaturi tat-terminal għandhom jieħdu ħsieb il-passiġġieri tagħhom, huwa mmodifika l-proposta tal-Kummissjoni, b'kont meħud tal-istruttura speċifika tal-industrija tax-xarabank u tal-kowċ. Ġie maqbul li jkun hemm trattament differenti fir-rigward ta' passiġġieri li jitilqu minn terminal u passiġġieri li jitilqu minn waqfiet tax-xarabank, minħabba li mhu la possibbli u lanqas raġonevoli li jingħata, pereżempju, l-istess livell ta' informazzjoni dwar dewmien f'waqfa tax-xarabank meta mqabbel ma' terminal bil-persunal.

Fil-każ ta' dewmien ta' aktar minn sagħtejn jew kanċellazzjoni tal-vjaġġ, il-passiġġier jista' jagħżel li jkompli l-vjaġġ billi juża l-istess forma ta' trasport, jew li jitlob trasferiment jew għar-rimborż tal-biljett tiegħu/tagħha (imġallas fi żmien 14-il ġurnata wara l-każ u, jekk meħtieġ, vjaġġ lura b'xejn). Fil-każ ta' dewmien ta' aktar minn sagħtejn għal vjaġġi li jdumu aktar minn tliet siegħat, għall-passiġġieri li jitilqu minn terminal, it-trasportatur ser ikollu l-obbligu li jagħti lill-passiġġieri ikla jew ikel u xorb ħafif, fl-ispirtu tal-emenda 53 tal-PE, iżda mhux ser ikollu l-obbligu li jipprovdi akkomodazzjoni, għalkemm it-trasportatur ikollu jassisti biex tinsab l-akkomodazzjoni. Madankollu, il-passiġġieri bix-xarabank jew il-kowċ mhumiex ser jibbenefikaw minn indennitajiet addizzjonali (imħallsa barra mill-prezz tal-biljett) bħalma hu l-każ ta' passiġġieri marittimi jew bil-ferrovija. Għaldaqstant, l-emendi tal-PE relatati mal-kumpens u l-akkomodazzjoni ma nżammewx (emendi 49, 50, 51, 52, 54 u 55).

Il-Parlament Ewropew introduċa xi emendi fir-rigward tal-kumpens u l-assistenza fil-każ ta' dewmien fil-wasla u eżenzjonijiet relatati fil-każ ta' “” (emendi 56 u 57), biex b'hekk jeħles lit-trasportatur milli jinżamm responsabbli għad-dannu jekk ikun ikkawżat minn ċirkostanzi mhux konnessi mat-tħaddim tas-servizzi tagħhom u li ma setgħux jipprevedu. Il-Kunsill ma aċċettax tali emendi billi t-test tiegħu ma jipprevedi l-ebda dispożizzjoni dwar kumpens fil-każ ta' dewmien fil-wasla.

Tali kumpens ikun responsabbiltà addizzjonali għall-impriżi tax-xarabank u l-kowċ u joħloq piż eċċessiv; barra minn hekk, ix-xufiera jkunu qed jitqiegħdu taħt pressjoni biex jirrispettaw l-iskeda tal-ħinijiet, u b'hekk tkun qed titpoġġa f'riskju s-sikurezza fit-triq.

L-emenda 58 li tikkonċerna l-informazzjoni f'formati aċċessibbli għall-persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa ġiet aċċettata mill-Kunsill.

(vi)   Regoli ġenerali dwar informazzjoni, trattar ta' lmenti u korpi nazzjonali tal-infurzar

Skont il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari, it-trasportaturi u l-korpi ta' ġestjoni tat-terminals għandhom, fl-oqsma rispettivi ta' kompetenza tagħhom, jipprovdu lill-passiġġieri b'informazzjoni adegwata matul il-vjaġġ kollu tagħhom, f'format aċċessibbli meta dan ikun fattibbli. Barra minn hekk, huma għandhom jinfurmaw lill-passiġġieri dwar id-drittijiet tagħhom b'mod adatt u li jinftiehem, fl-ispirtu tal-emenda 62 tal-PE.

Fir-rigward tal-ilmenti, il-proposta tal-Kummissjoni kien fiha regoli dwar kif it-trasportaturi għandhom jittrattaw l-ilmenti, b'mod partikolari l-konsegwenzi legali kbar meta ma tingħatax risposta għall-ilmenti.

Il-Kunsill, għalkemm jaqbel fil-prinċipju mal-proposta tal-Kummissjoni, jintroduċi aktar flessibbiltà fis-sistema sabiex jevita konsegwenzi mhux previsti għas-sistemi legali jew l-istrutturi amministrattivi tal-Istati Membri. F'dan il-kuntest u sabiex tiġi evitata burokrazija addizzjonali, il-Kunsill ma aċċettax l-emenda 64 tal-PE li introduċiet obbligu għall-impriżi tax-xarabank u/jew tal-kowċ biex joħorġu annwalment rapport dettaljat dwar l-ilmenti riċevuti.

Barra minn hekk, il-Parlament ippropona li l-korpi tal-infurzar nazzjonali għandhom ikunu indipendenti (l-emenda 65). Il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tispeċifika b'mod aktar ċar li dawn il-korpi għandhom ikunu indipendenti mit-trasportaturi, l-operaturi turistiċi u l-operaturi tat-terminals.

(vii)   Data tal-applikazzjoni tar-Regolament

Il-Kummissjoni kienet ipproponiet li r-Regolament ser jidħol fis-seħħ 20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-UE u ser japplika b’effett sena wara dik id-data.

Il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tipprevedi li r-Regolament ser japplika sentejn wara l-pubblikazzjoni tiegħu, u b'hekk taċċetta fis-sustanza l-emenda 69 tal-PE.

(3)   Emendi oħrajn adottati mill-Parlament Ewropew

Emendi oħrajn li mhumiex inklużi fil-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari jikkonċernaw:

bidliet għad-definizzjoni ta' “kuntratt tat-trasport” (l-emenda 13) u “bejjiegħ tal-biljetti” (l-emenda 14), “aġent tal-ivvjaġġar” (l-emenda 15), “kanċellazzjoni” (l-emenda 16),

id-definizzjoni proposta ta' “formati aċċessibbli” (l-emenda 17),

referenza għal “persuni li mhumiex kapaċi jivvjaġġaw mingħajr assistenza minħabba l-età kbira jew żgħira tagħhom” (emenda 34),

l-assistenza adattata għall-ħtiġijiet individwali ta' persuni b’diżabilità jew persuni b’mobbiltà mnaqqsa (l-emenda 35),

il-ħtieġa tal-iżgurar li l-passiġġier jirċievi konferma tan-notifika tal-ħtiġijiet għall-assistenza tiegħu jew tagħha (l-emenda 40),

kwalunkwe kumpens mogħti skont dan ir-Regolament, li jista' jitnaqqas minn kwalunkwe kumpens addizzjonali mogħti (l-emenda 59),

il-penali applikabbli għall-ksur tar-Regolament, li jistgħu jinkludu ordni għall-ħlas tal-kumpens (l-emenda 68),

l-emendi 70, 71 u 72 li jikkonċernaw l-Annessi għar-Regolament.

III.   KONKLUŻJONI

Fl-istabbiliment tal-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari, il-Kunsill ħa kont sħiħ tal-proposta tal-Kummissjoni u tal-opinjoni tal-Parlament Ewropew fl-ewwel qari. Fir-rigward tal-emendi proposti mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill josserva li numru konsiderevoli ta' emendi ġew diġà inklużi - fl-ispirtu, parzjalment jew kompletament - fil-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari.


(1)  Dok. 16933/08.

(2)  A6-0209/2009.

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, ĠU L 46, 17.2.2004, p. 1, u r-Regolament (KE) Nru 1107/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar id-drittijiet ta' persuni b'diżabbiltà u ta' persuni b'mobbiltà mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru, ĠU L 204, 26.7.2006, p.1.

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar id-Drittijiet u l-Obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji ĠU L 315, 3.12.2007, p. 14.


11.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 122/19


POŻIZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 5/2010 FL-EWWEL QARI

bil-għan tal-adozzjoni tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw bil-baħar jew fuq passaġġi fuq l-ilma interni u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004

Adottata mill-Kunsill fil-11 ta' Marzu 2010

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2010/C 122 E/02

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 91(1) u 100(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-azzjoni mill-Unjoni fil-qasam tat-trasport marittimu u fuq passaġġi fuq l-ilma interni għandha timmira, fost l-oħrajn, li tiżgura livell għoli ta' protezzjoni għall-passiġġieri li hija komparabbli mal-modalitajiet l-oħra tat-trasport. Barra minn hekk, għandhom jitqiesu bis-sħiħ ir-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-konsumatur b’mod ġenerali.

(2)

Ladarba l-passiġġier marittimu u tal-passaġġi fuq l-ilma interni huwa l-aktar parti dgħajfa għall-kuntratt tat-trasport, tali passiġġieri għandhom kollha jingħataw livell minimu ta' protezzjoni. Xejn m'għandu jostakola lit-trasportaturi milli joffru kondizzjonijiet kuntrattwali aktar favorevoli għall-passiġġieri mill-kondizzjonijiet stipulati f'dan ir-Regolament.

(3)

Il-protezzjoni tal-passiġġieri għandha tkopri mhux biss is-servizzi tal-passiġġieri bejn portijiet li jinsabu fit-territorju tal-Istati Membri, iżda wkoll servizzi tal-passiġġieri bejn tali portijiet u portijiet li jinsabu barra t-territorju tal-Istati Membri, filwaqt li jitqies ir-riskju tat-tfixkil ta' kompetizzjoni fis-suq tat-trasport tal-passiġġieri. Għaldaqstant, għall-fini ta' dan ir-Regolament, it-terminu “trasportatur tal-Unjoni” għandu jkun interpretat b'mod wiesa' kemm jista' jkun, iżda mingħajr ma jaffetwa leġislazzjoni oħra tal-Unjoni, bħar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4056/86 tat-22 ta' Diċembru 1986 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat għat-trasport marittimu (3) u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92 tas-7 ta' Diċembru 1992 li japplika l-prinċipju ta' libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu) (4).

(4)

Is-suq uniku għas-servizzi tal-passiġġieri marittimi u fuq passaġġi fuq l-ilma interni għandu jkun ta' benefiċċju għaċ-ċittadini in ġenerali. Konsegwentement, persuni b'diżabbiltà u persuni b’mobbiltà mnaqqsa, kemm jekk ikkawżata minn diżabbiltà, età jew kwalunkwe fattur ieħor, għandhom ikollhom opportunitajiet li jużaw is-servizzi tal-passiġġieri u l-kruċieri li huma komparabbli ma’ dawk ta' ċittadini oħra. Il-persuni b'diżabbiltà u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa għandhom l-istess drittijiet bħaċ-ċittadini l-oħra kollha fir-rigward ta’ moviment ħieles, libertà tal-għażla u nondiskriminazzjoni.

(5)

Fid-dawl tal-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltà u sabiex il-persuni b'diżabbiltà u l-persuni b'mobbiltà mnaqqsa jingħataw opportunitajiet għal vjaġġar marittimu u fuq passaġġi fuq l-ilma interni komparabbli għal dawk taċ-ċittadini l-oħra, għandhom jiġu stabbiliti regoli għan-nondiskriminazzjoni u għall-għajnuna matul il-vjaġġ tagħhom. Dawk il-persuni għandhom għalhekk jiġu aċċettati għat-tarsport u mhux imċaħħda mit-trasport minħabba d-diżabbiltà jew in-nuqqas ta' mobbiltà tagħhom, ħlief għal raġunijiet li huma ġġustifikati minħabba s-saħħa s-sigurtà u stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti. Huma għandhom igawdu d-dritt għall-għajnuna fil-portijiet u abbord il-bastimenti tal-passiġġieri. Fl-interessi tal-inklużjoni soċjali, il-persuni kkonċernati għandhom jirċievu din l-għajnuna mingħajr ħlas. It-trasportaturi għandhom jistabbilixxu kondizzjonijiet għall-aċċess, preferibbilment bl-użu tas-sistema tal-istandardizzazzjoni Ewropea.

(6)

Fit-teħid ta' deċiżjonijiet dwar id-disinn ta' portijiet u terminali ġodda, u bħala parti minn proġetti kbar ta' rinnovar, il-korpi responsabbli għal dawk il-faċilitajiet għandhom, fejn meħtieġ, jieħdu kont tal-ħtiġijiet ta' persuni b'diżabbiltà u ta' persuni b'mobbiltà mnaqqsa. Bl-istess mod, it-trasportaturi għandhom, fejn meħtieġ, iqisu dawn il-ħtiġijiet meta jkunu qed jiddeċiedu dwar il-pjanti ta' bastimenti tal-passiġġieri ġodda jew tar-rinnovar tagħhom skont id-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 dwar regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri (5) u d-Direttiva 2006/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru li tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni (6).

(7)

L-għajnuna li tingħata fil-portijiet li jinsabu fit-territorju ta’ xi Stat Membru għandha, fost affarijiet oħra, tagħmilha possibbli għal persuni b’diżabbiltà u għal persuni b’mobbiltà mnaqqsa biex jipproċedu minn post tal-wasla stabbilit f’port sa vapur tal-passiġġieri u minn vapur tal-passiġġieri sal-post tat-tluq stabbilit f'port, inklużi l-imbark u l-iżbark.

(8)

Fl-organizzazzjoni tal-għajnuna lil persuni b'diżabbiltà u lil persuni b'mobbiltà mnaqqsa, u t-taħriġ tal-persunal tagħhom, it-trasportaturi għandhom jikkoperaw mal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa. F'din il-ħidma għandhom ukoll jieħdu kont tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni u l-Kodiċi Internazzjonali dwar l-Istandards tat-Taħriġ, taċ-Ċertifikazzjoni u s-Servizz ta’ Għassa għall-Baħħara, kif ukoll tar-Rakomandazzjoni tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali dwar id-disinn u l-operat tal-vapuri tal-passiġġieri biex iwieġbu għall-ħtiġijiet tal-persuni anzjani u b'diżabbiltà.

(9)

Il-passiġġieri għandhom jiġu infurmati b'mod adegwat fil-każ ta' kanċellazzjoni jew dewmien ta' kwalunkwe servizz tal-passiġġieri jew kruċiera. Din l-informazzjoni għandha tgħin lill-passiġġieri biex jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa u jekk meħtieġ biex jiksbu informazzjoni dwar konnessjonijiet alternattivi.

(10)

L-inkonvenjenza li jgħaddu minnha l-passiġġieri minħabba l-kanċellazzjoni jew id-dewmien twil tal-vjaġġ tagħhom għandha titnaqqas. Għal dan il-għan għandu jittieħed ħsieb il-passiġġieri u għandhom ikunu jistgħu jikkanċellaw il-vjaġġ tagħhom u jiġu rimborżati tal-biljetti jew tinbidlilhom ir-rotta b'kondizzjonijiet sodisfaċenti.

(11)

It-trasportaturi għandhom jipprovdu għall-ħlas ta' kumpens lill-passiġġieri f'każ ta' kanċellazzjoni jew dewmien ta' servizz tal-passiġġieri abbażi ta' perċentwali tal-prezz tal-biljett, minbarra meta l-kanċellazzjoni jew dewmien iseħħu minħabba kondizzjonijiet tat-temp li jipperikolaw l-operazzjoni sikura tal-vapur jew minħabba ċirkostanzi straordinarji, li ma setgħux jiġu evitati anki jekk ittieħdu l-miżuri raġonevoli kollha.

(12)

Il-kondizzjonijiet tat-temp li jipperikolaw l-operazzjoni sikura tal-vapur għandhom jinkludu, iżda ma jkunux limitati għal, irjiħat qawwijin, baħar imqalleb, kurrent qawwi, kondizzjonijiet tas-silġ diffikultużi u livelli tal-ilma estremament għoljin jew baxxi.

(13)

Ċirkostanzi straordinarji għandhom jinkludu, iżda ma jkunux limitati għal, attakki terroristiċi, konflitti tax-xogħol, żbarkar ta' kwalunkwe persuna marida, feruta jew mejta, operazzjonijiet ta' tiftix jew salvataġġ fuq il-baħar jew fuq passaġġi fuq l-ilma interni, miżuri meħtieġa għall-protezzjoni tal-ambjent, deċiżjonijiet meħudin minn korpi tal-ġestjoni tat-traffiku jew minn awtoritajiet tal-port, jew deċiżjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-ordni u s-sigurtà pubblika kif ukoll biex ikopru ħtiġijiet urġenti tat-trasport.

(14)

Bl-involviment tal-partijiet interessati, assoċjazzjonijiet professjonali u assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, passiġġieri, persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa, it-trasportaturi għandhom jikoperaw sabiex jadottaw arranġamenti fil-livell nazzjonali jew Ewropew biex itejbu l-kura u l-għajnuna offruta lill-passiġġieri kull meta l-vjaġġ tagħhom jiġi interrott, partikolarment fil-każ ta' dewmien twil jew kanċellazzjoni tal-vjaġġ.

(15)

Dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa d-drittijiet tal-passiġġieri stabbiliti mid-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE tat-13 ta' Ġunju 1990 dwar il-vjaġġi kollox kompriż, il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż (7). Dan ir-Regolament m'għandux japplika f'każijiet fejn tour kollox kompriż huwa kkanċellat għal raġunijiet differenti mill-kanċellazzjoni tas-servizz tal-passiġġieri jew tal-kruċiera.

(16)

Il-passiġġieri għandhom jiġu informati bis-sħiħ dwar id-drittijiet tagħhom skont dan ir-Regolament, biex b'hekk ikunu jistgħu jeżerċitaw dawk id-drittijiet effettivament. Id-drittijiet tal-passiġġieri għandhom jinkludu r-riċeviment ta' informazzjoni rigward is-servizz tal-passiġġieri jew il-kruċiera qabel u wara l-vjaġġ. L-informazzjoni kollha essenzjali mogħtija lill-passiġġieri għandha wkoll tiġi pprovduta f'formati aċċessibli għal persuni b'diżabbiltà u għal persuni b'mobbiltà mnaqqsa.

(17)

Il-passiġġieri għandhom ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom permezz ta' proċeduri xierqa għall-ilmenti implimentati mit-trasportaturi jew, skont il-każ, permezz tat-tressiq tal-ilmenti tagħhom lill-korp jew lill-korpi maħtura għal dak il-għan mill-Istat Membru. It-trasportaturi għandhom jirrispondu għall-ilmenti mill-passiġġieri f'ċertu perijodu ta' żmien, filwaqt li jżommu f'moħħhom li jista’ jittieħed kont kontrihom tan-nuqqas min-naħa tagħhom ta' reazzjoni għal ilment magħmul.

(18)

Filwaqt li jitqiesu l-proċeduri stabbiliti minn Stat Membru biex jitressqu l-ilmenti, ilment li jirrigwarda l-għajnuna f'port jew abbord vapur għandhu preferibbilment jiġi indirizzat lill-korp jew lill-korpi maħturin għall-infurzar ta' dan ir-Regolament fl-Istat Membru fejn jinsab il-port tal-imbark, u, għas-servizzi tal-passiġġieri minn pajjiż terz, fejn jinsab il-port tal-iżbark.

(19)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-konformità ma’ dan ir-Regolament u għandhom jaħtru entità jew entitajiet adatti biex iwettqu kompiti ta’ sorveljanza u ta’ infurzar. Din is-sorveljanza ma taffettwax id-drittijiet tal-passiġġieri li jfittxu rimedju legali mill-qrati skont il-liġi nazzjonali.

(20)

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu penali applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament u jiżguraw li dawk il-penali jiġu applikati. Il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(21)

Ladarba l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni u għajnuna lill-passiġġieri fl-Istati Membri kollha u li l-aġenti ekonomiċi joperaw skont kondizzjonijiet armonizzati f’suq uniku, ma jistgħux jinkisbu suffiċjentement mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(22)

L-infurzar ta' dan ir-Regolament għandu jkun ibbażat fuq ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2004 dwar il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (ir-Regolament dwar koperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi) (8). Dak ir-Regolament għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(23)

Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data (9) għandha tiġi rispettata u infurzata strettament sabiex ikun garantit ir-rispett għall-privatezza ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, u sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni u r-rapporti mitlubin iservu biss biex jaqdu l-obbligi stabbiliti f'dan ir-Regolament u ma jintużawx għad-detriment ta' tali persuni.

(24)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti partikolarment mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif imsemmi fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli fir-rigward ta' dan li ġej:

(a)

nondiskriminazzjoni bejn il-passiġġieri fir-rigward tal-kondizzjonijiet tat-trasport offruti mit-trasportaturi;

(b)

nondiskriminazzjoni u għajnuna għal persuni b'diżabbiltà u għal persuni b'mobbiltà mnaqqsa;

(c)

id-drittijiet tal-passiġġieri f'każijiet ta' kanċellazzjoni jew dewmien;

(d)

l-informazzjoni minima li għandha tingħata lill-passiġġieri;

(e)

it-trattament tal-ilmenti;

(f)

regoli ġenerali dwar l-infurzar.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika fir-rigward ta' passiġġieri li jivvjaġġaw:

(a)

fuq servizzi tal-passiġġieri fejn il-port tal-imbark jinsab fit-territorju ta' Stat Membru;

(b)

fuq servizzi tal-passiġġieri fejn il-port tal-imbark jinsab barra t-territorju ta' Stat Membru u l-port tal-iżbark jinsab fit-territorju ta' Stat Membru, sakemm is-servizz ikun operat minn trasportatur tal-Unjoni;

(c)

fuq kruċiera fejn il-port tal-imbark jinsab fit-territorju ta' Stat Membru. Madankollu, l-Artikoli 16(2), 18, 19 u 20(1) u (4) m'għandhomx japplikaw għal dawk il-passiġġieri.

2.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika fir-rigward ta' passiġġieri li jivvjaġġaw:

(a)

fuq vapuri ċċertifikati biex iġorru sa 36 passiġġier;

(b)

fuq vapuri li jkollhom ekwipaġġ responsabbli għall-operat tal-vapur magħmul minn mhux aktar minn tliet persuni jew fejn id-distanza tas-servizz globali tal-passiġġieri tkun inqas minn 500 metru, f'direzzjoni waħda; jew

(c)

fuq eskursjonijiet u tours turistiċi apparti l-kruċieri.

3.   L-Istati Membri jistgħu, għal perijodu ta' sentejn minn … (10), jeżentaw vapuri tat-tbaħħir ta' inqas minn 300 tunnellata grossa mħaddmin fit-trasport domestiku mill-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, sakemm id-drittijiet tal-passiġġieri skont dan ir-Regolament ikunu żgurati b'mod adegwat skont il-liġi nazzjonali.

4.   L-Istati Membri jistgħu jeżentaw mill-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament servizzi tal-passiġġieri koperti mill-obbligi tas-servizz pubbliku, kuntratti tas-servizz pubbliku jew servizzi integrati, sakemm id-drittijiet tal-passiġġieri skont dan ir-Regolament ikunu ggarantiti kif adatt skont il-liġi nazzjonali.

5.   Xejn f'dan ir-Regolament m'għandu jinftiehem li jikkostitwixxi rekwiżiti tekniċi li jimponu obbligi fuq it-trasportaturi, operaturi tat-terminali jew entitajiet oħra li jimmodifikaw jew jissostitwixxu vapuri, infrastruttura u tagħmir fil-portijiet u f’terminali tal-portijiet.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw it-tifsiriet li ġejjin:

(a)

“persuna b'diżabbiltà” jew “persuni b’mobbiltà mnaqqsa” tfisser kwalunkwe persuna li l-mobbiltà tagħha meta jintuża t-trasport hija mnaqqsa minħabba kwalunkwe diżabbiltà fiżika (sensorjali jew lokomotorja, permanenti jew temporanja), diżabbiltà jew nuqqas intellettwali, jew kwalunkwe kawża oħra ta’ diżabbiltà, jew minħabba l-età, u li s-sitwazzjoni tagħha teħtieġ attenzjoni adegwata kif ukoll adattament għall-ħtiġijiet partikolari tagħha tas-servizz li jkun disponibbli għall-passiġġieri kollha;

(b)

“territorju ta' Stat Membru” tfisser territorju li għalih jirreferi t-Trattat kif imsemmi fl-Artikolu 355 tiegħu, skont il-kondizzjonijiet fih stabbiliti;

(c)

“kondizzjonijiet tal-aċċess” tfisser standards, linji gwida u informazzjoni rilevanti dwar l-aċċessibbiltà tat-terminali tal-port u l-vapuri, inklużi l-faċilitajiet tagħhom għall-persuni b'diżabbiltà jew persuni b'mobbiltà mnaqqsa;

(d)

“trasportatur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li toffri trasport permezz ta' servizzi tal-passiġġieri jew kruċieri lill-pubbliku ġenerali;

(e)

“trasportatur tal-Unjoni” tfisser trasportatur stabbilit fit-territorju ta' Stat Membru jew li joffri trasport permezz ta' servizzi tal-passiġġieri mħaddmin lejn jew mit-territorju ta' Stat Membru;

(f)

“servizz tal-passiġġieri” tfisser servizz tat-trasport tal-passiġġieri kummerċjali bil-baħar jew fuq passaġġi fuq l-ilma interni mħaddem skont skeda pubblikata;

(g)

“servizzi integrati” tfisser servizzi ta' trasport interkonness f'żona ġeografika speċifika b'servizz singolu ta' informazzjoni, skema ta' ittikettjar u skeda.

(h)

“trasportatur adempjenti” tfisser persuna oħra minbarra t-trasportatur, li fil-fatt iwettaq il-ġarr kollu jew parti minnu;

(i)

“passaġġi fuq l-ilma interni” tfisser medda ta' ilmijiet interni naturali jew artifiċjali fejn jista' jsir tbaħħir, jew sistema ta' meded interkonnessi ta' ilmijiet, użati għat-trasport, bħal għadajjar, xmajjar jew kanali jew kwalunkwe kombinazzjoni ta' dawn;

(j)

“port” tfisser post jew żona ġeografika magħmulin minn tali ħidmiet u faċilitajiet għat-titjib, biex jippermettu l-akkoljenza ta' vapuri, li minnhom il-passiġġieri regolarment jimbarkaw jew jiżbarkaw;

(k)

“terminal tal-port” tfisser terminal, imħaddem minn persunal tat-trasportatur jew ta' operatur tat-terminali, f'port b'faċilitajiet, bħal banek taċ-check-in, banek tal-biljetti jew swali, u persunal għall-imbark jew l-iżbark ta' passiġġieri li jivvjaġġaw fuq servizzi tal-passiġġieri jew fuq kruċiera;

(l)

“vapur” tfisser bastiment użat għan-navigazzjoni fil-baħar jew passaġġi fuq l-ilma interni;

(m)

“kuntratt ta' trasport” tfisser kuntratt ta' ġarr bejn trasportatur u passiġġier għall-forniment ta' servizz wieħed jew aktar tal-passiġġieri jew kruċieri;

(n)

“biljett” tfisser dokument validu jew evidenza oħra ta' kuntratt ta' trasport;

(o)

“bejjiegħ tal-biljetti” tfisser kwalunkwe bejjiegħ bl-imnut li jikkonkludi kuntratti ta' trasport f'isem trasportatur;

(p)

“aġent tal-ivvjaġġar” tfisser kwalunkwe bejjiegħ bl-imnut li jaġixxi f'isem passiġġier għall-konklużjoni ta' kuntratti ta' trasport;

(q)

“operatur turistiku” tfisser organizzatur, minbarra trasportatur, fit-tifsira tal-Artikolu 2(2) u (3) tad-Direttiva 90/314/KEE;

(r)

“riżervazzjoni” tfisser ibbukkjar ta' tluq speċifiku ta' servizz tal-passiġġieri jew kruċiera;

(s)

“operatur tat-terminali” tfisser korp privat jew pubbliku fit-territorju ta' Stat Membru responsabbli għall-amministrazzjoni u l-ġestjoni ta' terminal ta' port;

(t)

“kruċiera” tfisser servizz ta' trasport bil-baħar jew fuq passaġġi fuq l-ilma interni, imħaddem esklussivament għall-fini tal-pjaċir u r-rikreazzjoni, supplimentat b'akkomodazzjoni u faċilitajiet oħra, ta' aktar minn jumejn b'żewġt iljieli abbord;

(u)

“inċident bil-vapur” tfisser meta vapur jegħreq, jinqaleb, jaħbat jew jieqaf, ikun hemm splużjoni jew nar fuq il-vapur, jew difett fil-vapur.

Artikolu 4

Biljetti u kondizzjonijiet nondiskriminatorji fil-kuntratt

1.   It-trasportaturi għandhom jipprovdu biljett lill-passiġġier, sakemm skont il-liġi nazzjonali dokumenti oħra ma jagħtux intitolament għat-trasport. Biljett jista' jinħareġ f'format elettroniku.

2.   Mingħajr preġudizzju għat-tariffi soċjali, il-kondizzjonijiet tal-kuntratt u t-tariffi applikati minn trasportaturi jew bejjiegħa tal-biljetti għandhom jiġu offruti lill-pubbliku ġenerali mingħajr ebda diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità tal-konsumatur finali jew fuq il-post tal-istabbiliment tat-trasportaturi jew tal-bejjiegħa tal-biljetti fl-Unjoni.

Artikolu 5

Partijiet adempjenti oħra

1.   Jekk it-twettiq tal-obbligi taħt dan ir-Regolament ikun ġie fdat lil trasportatur adempjenti, bejjiegħ tal-biljetti jew kwalunkwe persuna oħra, it-trasportatur, l-aġent tal-ivvjaġġar, l-operatur turistiku u l-operatur tat-terminali, li fada tali obbligi, għandhom minkejja dan ikunu responsabbli għall-atti u l-ommissjonijiet ta' dik il-parti adempjenti, li taġixxi fl-ambitu tal-impjieg ta' dik il-parti.

2.   Addizzjonalment għall-paragrafu 1, il-parti li tkun ġiet fdata bit-twettiq ta' obbligu mit-trasportatur, l-aġent tal-ivvjaġġar, l-operatur turistiku jew l-operatur tat-terminali għandha tkun suġġetta għad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, inkluża d-dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltajiet u d-difiżi, fir-rigward tal-obbligu fdat.

Artikolu 6

Esklużjoni tar-rinunzja

L-obbligi taħt dan ir-Regolament m’għandhomx ikunu limitati jew rinunzjati, b'mod partikolari b’deroga jew klawsola restrittiva fil-kuntratt ta' trasport.

KAPITOLU II

DRITTIJIET TAL-PERSUNI B'DIŻABBILTÀ U TAL-PERSUNI B'MOBBILTÀ MNAQQSA

Artikolu 7

Id-dritt għat-trasport

1.   It-trasportaturi, l-aġenti tal-ivvjaġġar u l-operaturi turistiċi m’għandhomx jirrifjutaw li jaċċettaw riżervazzjoni, joħorġu jew jipprovdu b'mod ieħor biljett jew jimbarkaw persuni minħabba diżabbiltà jew mobbiltà mnaqqsa.

2.   Għandhom jiġu offruti riżervazzjonijiet u biljetti lil persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa mingħajr spejjeż żejda.

Artikolu 8

Eċċezzjonijiet u kondizzjonijiet speċjali

1.   Minkejja l-Artikolu 7(1), it-trasportaturi, l-aġenti tal-ivvjaġġar u l-operaturi turistiċi jistgħu jirrifjutaw li jaċċettaw riżervazzjoni jew joħorġu jew jipprovdu b'mod ieħor biljett jew li jimbarkaw persuna, minħabba diżabbiltà jew mobbiltà mnaqqsa:

(a)

sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti applikabbli tas-saħħa u s-sigurtà stabbiliti mil-liġi internazzjonali, tal-Unjoni jew nazzjonali jew sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti tas-saħħa u s-sigurtà stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti;

(b)

fejn id-disinn tal-vapur tal-passiġġieri jew l-infrastruttura u t-tagħmir tal-port, inklużi t-terminali tal-port, jagħmluha impossibbli biex jitwettaq l-imbark, l-iżbark jew il-ġarr tal-persuna b'diżabbiltà jew tal-persuna b'mobbiltà mnaqqsa b'mod sikur jew operattivament fattibbli.

2.   Fil-każ ta' rifjut ta' aċċettazzjoni ta' riżervazzjoni jew li jinħareġ jew jiġi pprovdut b'mod ieħor biljett minħabba raġunijiet imsemmijin fil-paragrafu 1, it-trasportaturi, l-aġenti tal-ivvjaġġar u l-operaturi turistiċi għandhom jagħmlu sforzi raġonevoli biex jipproponu lill-persuna kkonċernata trasport alternattiv aċċettabbli fuq servizz tal-passiġġieri jew kruċiera mħaddmin mit-trasportatur.

3.   Jekk persuna b'diżabbiltà jew persuna b'mobbiltà mnaqqsa, li għandha riżervazzjoni jew għandha biljett u kkonformat mar-rekwiżiti fl-Artikolu 11(2), xorta waħda hija mċaħħda l-imbark minħabba d-diżabbiltà jew mobbiltà mnaqqsa tagħha, dik il-persuna u kwalunkwe persuna li takkumpanjaha skont il-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu għandha tiġi offruta l-għażla bejn id-dritt għal rimborż u l-bdil fir-rotta kif previst fl-Anness I. Id-dritt għall-għażla ta' vjaġġ ta' ritorn jew għal bdil fir-rotta għandu jkun bil-kondizzjoni li jiġu sodisfatti r-rekwiżiti kollha tas-saħħa u s-sigurtà.

4.   Taħt l-istess kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1, it-trasportaturi, l-aġenti tal-ivvjaġġar u l-operaturi turistiċi jistgħu jesiġu li persuna b'diżabbiltà jew persuna b'mobbiltà mnaqqsa tkun akkumpanjata minn persuna oħra li hija kapaċi tagħti l-għajnuna meħtieġa mill-persuna b'diżabbiltà jew mill-persuna b'mobbiltà mnaqqsa. Fir-rigward tas-servizzi tal-passiġġieri, tali persuna akkumpanjatriċi għandha tinġarr mingħajr ħlas.

5.   Meta t-trasportaturi, l-aġenti tal-ivvjaġġar u l-operaturi turistiċi jirrikorru għall-paragrafi 1 sa 4, huma għandhom jinformaw immedjatament lill-persuna b'diżabbiltà jew lill-persuna b'mobbiltà mnaqqsa bir-raġunijiet speċifiċi għalhekk. Dawn ir-raġunijiet għandhom jiġu nnotifikati lill-persuna b'diżabbiltà jew lill-persuna b'mobbiltà mnaqqsa, mhux aktar tard minn ħamest ijiem ta' ħidma wara li dik l-persuna tkun ġiet informata. F'każ ta' rifjut taħt il-paragrafu 1(a), għandha ssir referenza għar-rekwiżiti applikabbli fir-rigward tas-saħħa u s-sigurtà.

Artikolu 9

Aċċessibbiltà u informazzjoni

1.   B'koperazzjoni ma' organizzazzjonijiet rappreżentanti ta' persuni b'diżabbiltà jew persuni b'mobbiltà mnaqqsa, it-trasportaturi u l-operaturi tat-terminali għandhom, fejn meħtieġ permezz tal-organizzazzjonijiet tagħhom, jistabbilixxu, jew ikollhom fis-seħħ, kondizzjonijiet għall-aċċess nondiskriminatorji għat-trasport ta' persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa.

2.   Il-kondizzjonijiet għall-aċċess previsti fil-paragrafu 1 għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mit-trasportaturi u mill-operaturi tat-terminali fiżikament jew fuq l-Internet bl-istess lingwi bħal dawk li bihom l-informazzjoni ġeneralment tkun għad-dispożizzjoni tal-passiġġieri kollha.

3.   L-operaturi turistiċi għandhom jagħmlu disponibbli l-kondizzjonijiet għall-aċċess previsti fil-paragrafu 1 li japplikaw għall-vjaġġi inklużi fil-vjaġġi kollox kompriż, fil-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż li huma jorganizzaw, ibigħu jew joffru għall-bejgħ.

4.   It-trasportaturi, l-aġenti tal-ivvjaġġar u l-operaturi turistiċi għandhom jiżguraw li l-informazzjoni kollha rilevanti, inklużi r-riżervazzjoni u l-informazzjoni online, dwar il-kondizzjonijiet tal-ġarr, l-informazzjoni dwar il-vjaġġ u l-kondizzjonijiet għall-aċċess hija disponibbli f'formati adatti u aċċessibbli għal persuni b'diżabbiltà u għal persuni b'mobbiltà mnaqqsa.

Artikolu 10

Dritt għall-għajnuna fil-portijiet u abbord il-vapuri

Suġġett għall-kondizzjonijiet għall-aċċess previsti fl-Artikolu 9(1), it-trasportaturi u l-operaturi tat-terminali għandhom, fl-oqsma ta' kompetenza rispettivi tagħhom, jagħtu għajnuna mingħajr ħlas lil persuni b'diżabbiltà jew lil persuni b'mobbiltà mnaqqsa, kif speċifikat fl-Annessi II u III, fil-portijiet, inklużi matul l-imbark u l-iżbark, u abbord il-vapuri.

Artikolu 11

Kondizzjonijiet li taħthom tingħata l-għajnuna

1.   It-trasportaturi u l-operaturi tat-terminali għandhom, fl-oqsma ta' kompetenza rispettivi tagħhom, jagħtu għajnuna lil persuni b'diżabbiltà u lil persuni b'mobbiltà mnaqqsa kif stabbilit fl-Artikolu 10 taħt il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

li t-trasportatur jew l-operatur tat-terminali jiġi nnotifikat bil-ħtieġa tal-persuna għal tali għajnuna l-aktar tard jumejn tax-xogħol qabel ma tkun meħtieġa l-għajnuna, u;

(b)

li l-persuna b'diżabbiltà jew il-persuna b'mobbiltà mnaqqsa tippreżenta lilha nnifisha fil-port jew fil-punt speċifikat kif imsemmi fl-Artikolu 12(3):

(i)

f'ħin stipulat bil-miktub mit-trasportatur li m'għandux ikun aktar minn 60 minuta qabel il-ħin tal-imbark ippubblikat, jew

(ii)

jekk mhuwa stipulat l-ebda ħin tal-imbark, mhux aktar tard minn 60 minuta qabel il-ħin tat-tluq ippubblikat.

2.   Addizzjonalment għall-paragrafu 1, persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa għandhom jinnotifikaw lit-trasportatur, fil-mument tar-riżervazzjoni jew tax-xiri minn qabel tal-biljett, bil-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom tal-akkomodazzjoni jew tal-postijiet fejn joqogħdu bil-qiegħda jew tal-ħtieġa tagħhom li jġibu tagħmir mediku, sakemm il-ħtieġa tkun magħrufa dak iż-żmien.

3.   Notifika li ssir skont il-paragrafi 1(a) u 2 tista' dejjem tiġi ppreżentata lill-aġent tal-ivvjaġġar jew lill-operatur turistiku li mingħandu jkun inxtara l-biljett. Fejn il-biljett jippermetti aktar minn vjaġġ wieħed, notifika waħda għandha tkun biżżejjed, sakemm tingħata l-informazzjoni adegwata dwar il-ħin tal-vjaġġi sussegwenti.

4.   Jekk ma ssir l-ebda notifika skont il-paragrafi 1(a) u 2, it-trasportaturi u l-operaturi tat-terminali għandhom jagħmlu l-isforzi kollha raġonevoli biex jiżguraw li l-għajnuna tingħata b'tali mod li l-persuna b'diżabbiltà jew il-persuna b'mobbiltà mnaqqsa tkun tista' timbarka fuq il-vapur, tiżbarka minnu u tivvjaġġa fuqu.

5.   Meta persuna b'diżabbiltà jew persuna b'mobbiltà mnaqqsa tkun akkumpanjata minn kelb ta' għajnuna rikonoxxut, dak il-kelb għandu jiġi akkomodat flimkien ma' dik il-persuna, sakemm it-trasportatur, l-aġent tal-ivvjaġġar jew l-operatur turistiku jkun innotifikat skont ir-regoli nazzjonali applikabbli dwar il-ġarr tal-klieb ta' għajnuna rrikonoxxuti abbord il-vapuri tal-passiġġieri, fejn dawn ir-regoli jeżistu.

Artikolu 12

Riċeviment tan-notifiki u speċifikazzjoni ta' postijiet fejn wieħed jiltaqa'

1.   It-trasportaturi, l-operaturi tat-terminali, l-aġenti tal-ivvjaġġar u l-operaturi turistiċi għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiġi ffaċilitat ir-riċeviment tan-notifiki li jsiru skont l-Artikolu 11(1)(a) u 11(2). Dak l-obbligu għandu japplika fil-punti tal-bejgħ kollha tagħhom, inkluż il-bejgħ bit-telefon u minn fuq l-Internet.

2.   Jekk l-aġenti tal-ivvjaġġar jew l-operaturi turistiċi jirċievu n-notifika msemmija fil-paragrafu 1 huma għandhom, fil-ħin normali tagħhom tal-uffiċċju, jibagħtu l-informazzjoni lit-trasportatur jew lill-operatur tat-terminali mingħajr dewmien.

3.   It-trasportaturi u l-operaturi tat-terminali għandhom jispeċifikaw post ġewwa jewu barra t-terminali tal-portijiet fejn persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa jistgħu jħabbru l-wasla tagħhom u jitolbu għajnuna. Dan il-post għandu jkun immarkat b'mod ċar b'tabella u għandu joffri, f'formati aċċessibbli, informazzjoni bażika dwar it-terminal tal-port u l-għajnuna pprovduta.

Artikolu 13

Standards ta’ kwalità għall-għajnuna

1.   L-operaturi tat-terminali u t-trasportaturi li joperaw it-terminali tal-portijiet jew is-servizzi tal-passiġġieri b'total ta' aktar minn 100 000 moviment tal-passiġġieri kummerċjali matul is-sena kalendarja preċedenti għandhom, fl-oqsma ta' kompetenza rispettivi tagħhom, jistipulaw standards ta' kwalità għall-għajnuna speċifikata fl-Annessi II u III u għandhom, fejn hu xieraq permezz tal-organizzazzjonijiet tagħhom, jiddeterminaw rekwiżiti għar-riżorsi biex jilħqu dawk l-istandards, b'koperazzjoni mal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa.

2.   L-istandards ta' kwalità previsti fil-paragrafu 1 għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mit-trasportaturi u mill-operaturi tat-terminali fiżikament jew fuq l-Internet f'formati aċċessibbli u bl-istess lingwi bħal dawk li bihom l-informazzjoni ġeneralment tkun għad-dispożizzjoni tal-passiġġieri kollha.

Artikolu 14

Taħriġ u istruzzjonijiet

Mingħajr preġudizzju għall-Konvenzjoni u l-Kodiċi Internazzjonali dwar l-Istandards tat-Taħriġ, taċ-Ċertifikazzjoni u s-Servizz ta' Għassa għall-Baħħara u għar-regolamenti adottati skont il-Konvenzjoni Riveduta għan-Navigazzjoni fir-Rhine u l-Konvenzjoni rigward ir-Reġim ta' Navigazzjoni fid-Danubju, it-trasportaturi u, fejn adatt, l-operaturi tat-terminali għandhom jistabbilixxu proċeduri ta' taħriġ relatati mad-diżabbiltajiet, inklużi istruzzjonijiet, u jiżguraw li:

(a)

il-persunal tagħhom, inkluż dak impjegat minn kwalunkwe parti adempjenti oħra, li jipprovdi għajnuna diretta lill-persuni b'diżabbiltà u lill-persuni b'mobbiltà mnaqqsa, ikun imħarreġ jew jingħata istruzzjonijiet kif deskritt fl-Anness IV, Partijiet A u B, u

(b)

il-persunal tagħhom li jkun b'xi mod ieħor responsabbli għar-riżervazzjoni u l-bejgħ ta' biljetti jew imbark jew żbark, inkluż dak impjegat minn kwalunkwe parti adempjenti oħra, ikun imħarreġ jew jingħata istruzzjonijiet kif deskritt fl-Anness IV, Parti A.

Artikolu 15

Kumpens relatat mat-tagħmir tal-mobbiltà jew tagħmir ieħor speċifiku

1.   It-trasportaturi u l-operaturi tat-terminali għandhom ikunu responsabbli għat-telf imġarrab minħabba telf ta' jew ħsara fit-tagħmir tal-mobbiltà jew tagħmir ieħor speċifiku, użat minn persuna b'diżabbiltà jew persuna b'mobbiltà mnaqqsa, jekk l-inċident li kkaġuna t-telf kien minħabba n-nuqqas jew in-negliġenza tat-trasportatur jew tal-operatur tat-terminali. In-nuqqas jew in-negliġenza tat-trasportatur għandhom ikunu preżunti għal telf ikkaġunat minn inċident tat-tbaħħir.

2.   Il-kumpens imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jikkorrispondi għall-valur ta' sostituzzjoni tat-tagħmir ikkonċernat jew, fejn applikabbli, għall-ispejjeż relatati mat-tiswijiet.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 m'għandhomx japplikaw jekk ikun japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 392/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar ir-responsabbiltà ta’ trasportaturi ta' passiġġieri bil-baħar fil-każ ta' aċċidenti (11).

4.   Barra minn hekk, għandu jsir kull sforz sabiex it-tagħmir jiġi ssostitwit temporanjament fi żmien qasir.

KAPITOLU III

OBBLIGI TAT-TRASPORTATURI U TAL-OPERATURI TAT-TERMINALI FIL-KAŻ TA' VJAĠĠ INTERROTT

Artikolu 16

Informazzjoni fil-każ ta' tluq ikkanċellat jew tluq tard

1.   Fil-każ ta' kanċellazzjoni jew dewmien fit-tluq ta' servizzi tal-passiġġieri jew kruċiera, il-passiġġieri li jitilqu minn terminali tal-port għandhom jiġu informati mit-trasportatur jew, fejn meħtieġ, mill-operatur tat-terminali, bis-sitwazzjoni malajr kemm jista' jkun u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 30 minuta wara l-ħin tat-tluq skedat, u tal-ħin tat-tluq stmat u tal-ħin tal-wasla stmat, hekk kif din l-informazzjoni tkun disponibbli.

2.   Jekk il-passiġġieri jitilfu servizz ta' trasport konness minħabba kanċellazzjoni jew dewmien, it-trasportatur u, fejn meħtieġ, l-operatur tat-terminali, għandu jagħmel sforzi raġonevoli biex jinforma lill-passiġġieri kkonċernati dwar konnessjonijiet alternattivi.

3.   It-trasportatur jew, fejn meħtieġ, l-operatur tat-terminali, għandu jiżgura li persuni b'diżabbiltà jew persuni b'mobbiltà mnaqqsa jirċievu l-informazzjoni meħtieġa skont il-paragrafi 1 u 2 f'formati aċċessibbli.

Artikolu 17

Għajnuna fil-każ ta' tluq ikkanċellat jew tluq tard

1.   Fejn trasportatur raġonevolment jistenna li t-tluq ta' servizz tal-passiġġieri jew kruċiera jiġi kkanċellat jew ittardjat għal aktar minn 120 minuta lil hinn mill-ħin skedat tat-tluq tiegħu, il-passiġġieri li jitilqu minn terminals tal-port għandhom jiġu offruti, mingħajr ħlas, ikliet ħfief, ikliet jew xorb b'mod raġonevoli skont it-tul ta' ħin tal-istennija, sakemm ikunu disponibbli, jew ikunu jistgħu jiġu fornuti b'mod raġonevoli.

2.   Fil-każ ta' kanċellazzjoni jew dewmien fit-tluq fejn isir meħtieġ li l-passiġġier joqgħod lejl wieħed jew aktar jew joqgħod għal iżjed żmien milli kien intenzjonat, fejn u meta fiżikament possibbli, it-trasportatur għandu joffri lill-passiġġieri li jkunu qed jitilqu mit-terminali tal-port, akkomodazzjoni adegwata mingħajr ħlas abbord, jew fuq l-art, u trasport bejn it-terminal tal-port u l-post tal-akkomodazzjoni b'żieda mal-ikliet ħfief, l-ikliet jew ix-xorb previsti fil-paragrafu 1. Għal kull passiġġier, it-trasportatur jista' jillimita l-ispiża totali tal-akkomodazzjoni fuq l-art għal EUR 120, mingħajr ma jinkludi t-trasport lejn u mit-terminal tal-port u l-post tal-akkomodazzjoni.

3.   Fl-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2, it-trasportatur għandu jagħti attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet tal-persuni b'diżabbiltà u tal-persuni b'mobbiltà mnaqqsa u ta' kwalunkwe persuni li jkunu qed jakkumpanjawhom.

Artikolu 18

Bdil tar-rotta u rimborż fil-każ ta' tluq ikkanċellat jew tluq tard

1.   Fejn trasportatur ikun qiegħed raġonevolment jipprevedi li xi servizz tal-passiġġieri ser jiġi kkanċellat jew ittardjat fit-tluq minn terminal ta' port għal aktar minn 120 minuta, il-passiġġier għandu immedjatament jiġi offrut l-għażla bejn:

(a)

il-bdil tar-rotta lejn id-destinazzjoni finali, taħt kondizzjonijiet komparabbli, kif stabbilit fil-kuntratt ta' trasport, mal-ewwel opportunità;

(b)

ir-rimborż tal-prezz tal-biljett u, fejn rilevanti, servizz ta' ritorn mingħajr ħlas lejn l-ewwel punt tat-tluq, kif stabbilit fil-kuntratt ta' trasport, mal-ewwel opportunità.

2.   Meta servizz tal-passiġġieri jiġi kkanċellat jew jittardja fit-tluq minn port għal aktar minn 120 minuta, il-passiġġieri għandu jkollhom id-dritt għal tali bdil tar-rotta jew rimborż tal-prezz tal-biljett mit-trasportatur.

3.   Il-ħlas tar-rimborż previst fil-paragrafi 1(b) u 2 għandu jsir fi żmien sebat ijiem, imħallas f'kontanti, permezz ta' trasferiment bankarju elettroniku, ordnijiet bankarji jew ċekkijiet bankarji tal-ħlas kollu tal-biljett għall-prezz li bih inxtara, għall-parti jew il-partijiet tal-vjaġġ li ma sarux, u għall-parti jew il-partijiet li diġà saru jekk il-vjaġġ ma jkunx għad fadallu skop fir-rigward tal-pjan oriġinali tal-vjaġġ tal-passiġġier.

Artikolu 19

Kumpens tal-prezz tal-biljett fil-każ ta' dewmien fil-wasla

1.   Mingħajr ma jitlef id-dritt għat-trasport, il-passiġġieri jistgħu jitolbu kumpens mingħand it-trasportatur jekk ikunu qed jiffaċċjaw dewmien fil-wasla fid-destinazzjoni finali kif stabbilit fil-kuntratt ta' trasport. Il-livelli minimi ta' kumpens għandhom ikunu 25% tal-prezz tal-biljett f'każ ta' dewmien ta' għall-inqas:

(a)

siegħa fil-każ ta' vjaġġ skedat sa erba' sigħat;

(b)

sagħtejn fil-każ ta' vjaġġ skedat ta' aktar minn erba' sigħat, iżda li ma jeċċedix tmien sigħat;

(c)

tliet sigħat fil-każ ta' vjaġġ skedat ta' aktar minn tmien sigħat, iżda li ma jeċċedix l-24 siegħa; jew

(d)

sitt sigħat fil-każ ta' vjaġġ skedat ta' aktar minn 24 siegħa.

Jekk id-dewmien jeċċedi d-doppju tal-ħin stabbilit fil-punti (a) sa (d), il-kumpens għandu jkun 50 % tal-prezz tal-biljett.

2.   Il-passiġġieri li jkollhom pass tal-ivvjaġġar jew biljett staġunali u li jiffaċċjaw dewmien rikorrenti fil-wasla matul il-perijodu ta' validità tagħhom jistgħu jitolbu kumpens adegwat skont l-arranġamenti ta' kumpens tat-trasportatur. Dawn l-arranġamenti għandhom jistabbilixxu l-kriterji għad-determinazzjoni tad-dewmien fil-wasla u għall-kalkolu tal-kumpens.

3.   Il-kumpens għandu jkun ikkalkulat f'relazzjoni mal-prezz li l-passiġġier ikun fil-fatt ħallas għas-servizz ittardjat tal-passiġġieri.

4.   Fejn it-trasport huwa għal vjaġġ bir-ritorn, il-kumpens għal dewmien fil-wasla, kemm fil-vjaġġ tat-tluq kif ukoll tar-ritorn, għandu jkun ikkalkulat f'relazzjoni ma' nofs il-prezz imħallas għat-trasport minn dak is-servizz tal-passiġġieri.

5.   Il-kumpens għandu jitħallas fi żmien xahar wara li tkun tressqet it-talba għall-kumpens. Il-kumpens jista' jitħallas b'vawċers u/jew servizzi oħra, jekk it-termini jkunu flessibbli, b'mod partikolari fir-rigward tal-perijodu tal-validità u d-destinazzjoni. Il-kumpens għandu jitħallas fi flus fuq talba tal-passiġġier.

6.   Il-kumpens tal-prezz tal-biljett m'għandux jitnaqqas permezz ta' spejjeż ta' transazzjonijiet finanzjarji bħal miżati, spejjeż tat-telefon jew bolol. It-trasportaturi jistgħu jintroduċu livell minimu li taħtu ma jsirux ħlasijiet ta' kumpens. Dan il-livell ma jistax ikun aktar minn EUR 10.

Artikolu 20

Eżenzjonijiet

1.   Ħlief għall-passiġġieri li jkollhom pass tal-ivvjaġġar jew biljett staġunali, l-Artikoli 17, 18 u 19 m'għandhomx japplikaw għal passiġġieri b'biljetti miftuħin, sakemm il-ħin tat-tluq ma jkunx speċifikat.

2.   L-Artikoli 17 u 19 m'għandhomx japplikaw jekk il-passiġġier ikun informat bil-kanċellazzjoni jew bid-dewmien qabel ix-xiri tal-biljett jew jekk il-kanċellazzjoni jew id-dewmien ikun minħabba t-tort tal-passiġġier.

3.   L-Artikolu 17(2) m'għandux japplika meta l-kanċellazzjoni jew id-dewmien jiġu kkawżati minn kondizzjonijiet tat-temp li jipperikolaw l-operazzjoni sigura tal-vapur.

4.   L-Artikolu 19 m'għandux japplika fejn il-kanċellazzjoni jew id-dewmien jiġu kkawżati minn kondizzjonijiet tat-temp li jipperikolaw l-operazzjoni sigura tal-vapur jew minn ċirkostanzi eċċezzjonali li jfixklu t-twettiq tas-servizz tal-passiġġieri, li ma setgħux jiġu evitati anki li kieku ttieħdu l-miżuri kollha raġonevoli.

Artikolu 21

Talbiet ulterjuri

Xejn f'dan ir-Regolament m'għandu jwaqqaf lill-passiġġieri milli jfittxu għall-ħsara skont il-liġi nazzjonali fir-rigward ta' telf li jirriżulta mill-kanċellazzjoni jew id-dewmien tas-servizzi tat-trasport fil-qrati nazzjonali, inkluż skont id-Direttiva 90/314/KEE.

KAPITOLU IV

REGOLI ĠENERALI DWAR INFORMAZZJONI U ILMENTI

Artikolu 22

Dritt għal informazzjoni dwar l-ivvjaġġar

It-trasportaturi u l-operaturi tat-terminali għandhom, fl-oqsma ta' kompetanza rispettivi tagħhom, jipprovdu lill-passiġġieri b'informazzjoni adegwata matul il-vjaġġ tagħhom f'formati aċċessibbli u bl-istess lingwi bħal dawk li bihom l-informazzjoni ġeneralment tkun għad-dispożizzjoni tal-passiġġieri kollha. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet ta' persuni b'diżabbiltà u ta' persuni b'mobbiltà mnaqqsa.

Artikolu 23

Informazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri

1.   It-trasportaturi u l-operaturi tat-terminal għandhom, fl-oqsma ta' kompetenza rispettivi tagħhom, jiżguraw li l-informazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri skont dan ir-Regolament tkun pubblikament disponibbli abbord il-vapuri u fit-terminali tal-portijiet. L-informazzjoni għandha tingħata f'formati aċċessibbli u bl-istess lingwi bħal dawk li bihom l-informazzjoni ġeneralment tkun għad-dispożizzjoni tal-passiġġieri kollha. Meta tingħata din l-informazzjoni, għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet ta' persuni b'diżabbiltà u ta' persuni b'mobbiltà mnaqqsa.

2.   Sabiex ikunu konformi mar-rekwiżit ta' informazzjoni msemmi fil-paragrafu 1, it-trasportaturi u l-operaturi tat-terminali jistgħu jużaw riassunt tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament imħejji mill-Kummissjoni bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea u magħmul disponibbli għalihom.

3.   It-trasportaturi u l-operaturi tat-terminali għandhom jinformaw lill-passiġġieri b'mod adatt abbord il-vapuri u fit-terminali tal-portijiet, bid-dettalji ta' kuntatt tal-korp ta' infurzar maħtur mill-Istat Membru skont l-Artikolu 25(1).

Artikolu 24

Ilmenti

1.   It-trasportaturi għandhom jistabbilixxu jew ikollhom fis-seħħ mekkaniżmu għat-trattament tal-ilmenti għad-drittijiet u l-obbligi koperti minn dan ir-Regolament.

2.   Jekk passiġġier kopert minn dan ir-Regolament ikun irid iressaq ilment lit-trasportatur, għandu jagħmel dan fi żmien xahrejn mid-data li fiha twettaq is-servizz jew meta servizz kellu jitwettaq. Fi żmien xahar minn meta jirċievi l-ilment, it-trasportatur għandu jinnotifika lill-passiġġier li l-ilment tiegħu ġie sostanzjat, miċħud jew għadu qedjiġi kkunsidrat. Iż-żmien li jittieħed biex tingħata t-tweġiba finali m'għandux ikun itwal minn tliet xhur minn meta jiġi riċevut ilment.

KAPITOLU V

INFURZAR U L-KORPI NAZZJONALI TAL-INFURZAR

Artikolu 25

Korpi nazzjonali tal-infurzar

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar korp jew korpi ġodda jew eżistenti responsabbli għall-infurzar ta' dan ir-Regolament fir-rigward tas-servizzi tal-passiġġieri u l-kruċieri minn portijiet li jinsabu fit-territorju tiegħu u servizzi tal-passiġġieri minn pajjiż terz għal tali portijiet. Kull korp għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura l-konformità ma' dan ir-Regolament.

Kull korp għandu, fl-organizzazzjoni, fid-deċiżjonijet ta' finanzjament, fl-istruttura legali u fit-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu, ikun indipendenti mit-trasportaturi, mill-operaturi turistiċi u mill-operaturi tat-terminali.

2.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-korp jew il-korpi maħtura skont dan l-Artikolu.

3.   Kwalunkwe passiġġier jista' jressaq ilment, skont il-liġi nazzjonali, lill-korp adatt maħtur skont il-paragrafu 1, jew lil kwalunkwe korp adatt ieħor maħtur minn Stat Membru, dwar ksur allegat ta' dan ir-Regolament.

Stat Membru jista' jiddeċiedi:

a)

li l-passiġġier bħala l-ewwel pass għandu jippreżenta l-ilment kopert minn dan ir-Regolament għat-trasportatur; u/jew

b)

li l-korp nazzjonali ta' infurzar jew kwalunkwe korp adatt ieħor maħtur mill-Istat Membru għandu jaġixxi bħala korp tal-appell għall-ilmenti li mhumiex riżolti taħt l-Artikolu 24.

4.   L-Istati Membri li jkunu għażlu li jeżentaw ċerti servizzi skont l-Artikolu 2(4) għandhom jiżguraw li jkun hemm mekkaniżmu komparabbli tal-infurzar tad-drittijiet tal-passiġġieri.

Artikolu 26

Rapport dwar l-infurzar

Fl-1 ta' Ġunju … (12) u kull sentejn minn tali data, il-korpi tal-infurzar maħturin skont l-Artikolu 25 għandhom jippubblikaw rapport dwar l-attivitajiet tagħhom fis-sentejn kalendarji preċedenti, li jkun fih, partikolarment, deskrizzjoni tal-azzjonijiet meħudin sabiex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, dettalji ta' sanzjonijiet applikati u statistika dwar l-ilmenti u s-sanzjonijiet applikati.

Artikolu 27

Koperazzjoni bejn korpi tal-infurzar

Il-korpi nazzjonali tal-infurzar kif imsemmijin fl-Artikolu 25(1) għandhom, fejn xieraq, jiskambjaw l-informazzjoni dwar ħidmiethom u l-prinċipji u l-prattika tat-teħid ta' deċiżjonijiet tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tappoġġahom f'dan il-kompitu.

Artikolu 28

Penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li huma jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u diżwassivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'dawk ir-regoli u miżuri sa … (13) u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien bi kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 29

Rapport

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa … (14), dwar l-operat u l-effetti ta' dan ir-Regolament. Ir-rapport għandu jkun akkompanjat, fejn meħtieġ bi proposti leġislattivi li jimplimentaw b'aktar dettall id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, jew li jemendawh.

Artikolu 30

Emendament tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004

Fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 2006/2004, jiżdied il-punt li ġej:

“19.

Ir-Regolament (UE) Nru …/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' … dwar id-drittijiet tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw bil-baħar jew fuq passaġġi fuq l-ilma interni (15).

Artikolu 31

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika minn … (16).

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi …

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  Opinjoni tas-16 ta' Lulju 2009 (ĠU C 317, 23.12.2009, p. 89).

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' April 2009 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill ta' …

(3)  ĠU L 378, 31.12.1986, p. 4.

(4)  ĠU L 364, 12.12.1992, p. 7.

(5)  ĠU L 163, 25.6.2009, p. 1.

(6)  ĠU L 389, 30.12.2006, p. 1.

(7)  ĠU L 158, 23.6.1990, p. 59.

(8)  ĠU L 364, 9.12.2004, p. 1.

(9)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(10)  Daħħal id-data ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(11)  ĠU L 131, 28.5.2009, p. 24.

(12)  Daħħal id-data sentejn wara d-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament

(13)  Daħħal id-data ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(14)  Daħħal id-data tliet snin wara d-data ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(15)  ĠU …”

(16)  Daħħal id-data 36 xahar wara d-data tal-pubblikazzjoni ta' dan ir-Regolament.


ANNESS I

Dritt għar-rimborż jew bdil fir-rotta għal persuni b'diżabbiltà u għal persuni b'mobbiltà mnaqqsa kif imsemmi fl-Artikolu 8

1.

Meta ssir referenza għal dan l-Anness, il-persuni b'diżabbiltà u l-persuni b'mobbiltà mnaqqsa għandhom jiġu offruti l-għażla bejn:

(a)

rimborż fi żmien sebat ijiem, imħallas f'kontanti, permezz ta' trasferiment bankarju elettroniku, ordnijiet bankarji jew ċekkijiet bankarji tal-ħlas kollu tal-biljett għall-prezz li bih inxtara, għall-parti jew il-partijiet tal-vjaġġ li ma sarux, u għall-parti jew il-partijiet li diġà saru jekk il-vjaġġ ma jkunx għad fadallu skop fir-rigward tal-pjan oriġinali tal-vjaġġ tal-passiġġier, flimkien ma', fejn rilevanti,

servizz ta' ritorn lejn l-ewwel punt tat-tluq, mal-ewwel opportunità; jew

(b)

bdil tar-rotta lejn id-destinazzjoni finali kif stabbilit fil-kuntratt ta' trasport, taħt kondizzjonijiet komparabbli, mal-ewwel opportunità; jew

(c)

bdil fir-rotta lejn id-destinazzjoni finali kif stabbilit fil-kuntratt ta' trasport, taħt kondizzjonijiet tat-trasport komparabbli, f'data aktar tard skont il-konvenjenza tal-passiġġier, suġġett għad-disponibbiltà tal-biljetti.

2.

Il-paragrafu 1(a) għandu japplika wkoll għal passiġġieri li l-vjaġġi tagħhom jifformaw parti minn pakkett, ħlief għad-dritt għar-rimborż fejn dan id-dritt jirriżulta skont id-Direttiva 90/314/KEE.

3.

Meta, fil-każ fejn belt jew reġjun huwa moqdi minn diversi portijiet, trasportatur joffri lil passiġġier vjaġġ għal port alternattiv għal dak li għalih saret ir-riżervazzjoni, it-trasportatur għandu jsostni l-ispiża tat-trasferiment tal-passiġġier minn dak il-port alternattiv jew għal dak li għalih saret ir-riżervazzjoni, jew għal destinazzjoni oħra fil-qrib miftehma mal-passiġġier.


ANNESS II

Għajnuna fil-portijiet, inklużi l-imbark u l-iżbark, kif imsemmi fl-Artikoli 10 u 13

(1)

L-għajnuna u l-arranġamenti meħtieġa biex jippermettu lil persuni b'diżabbiltà u lil persuni b’mobbiltà mnaqqsa sabiex:

jikkomunikaw il-wasla tagħhom f'terminal ta' port u t-talba tagħhom għall-għajnuna,

jiċċaqalqu minn punt tad-dħul għal bank taċ-check-in, jekk ikun hemm, jew għall-vapur,

jgħaddu mill-kontroll u jirreġistraw il-bagalji, jekk meħtieġ,

jipproċedu mill-bank taċ-check-in, jekk ikun hemm għall-vapur, permezz tal-punti tal-emigrazzjoni u tas-sigurtà,

jimbarkaw fuq il-vapur, permezz ta’ liftijiet, siġġijiet tar-roti jew għajnuna oħra meħtieġa, skont il-każ,

jipproċedu mill-bieb tal-vapur sal-bankijiet/iż-żona tagħhom,

iqiegħdu u jieħdu lura l-bagalji fuq il-vapur,

jipproċedu mill-bankijiet tagħhom sal-bieb tal-vapur,

jiżbarkaw minn fuq il-vapur, permezz ta' lifts, siġġijiet tar-roti jew għajnuna oħra meħtieġa, skont il-każ,

jieħdu lura l-bagalji, jekk meħtieġ, u jipproċedu mill-punti tal-immigrazzjoni u tad-dwana,

jipproċedu mis-sala tal-bagalji jew mill-punt tal-iżbark għall-punt indikat tal-ħruġ,

jekk ikun meħtieġ, imorru sal-faċilitajiet sanitarji (jekk ikun hemm).

(2)

Meta persuna b'diżabbiltà jew persuna b'mobbiltà mnaqqsa tkun megħjuna minn persuna li takkumpanjaha, din il-persuna għandha, jekk mitluba, titħalla tipprovdi l-għajnuna meħtieġa fl-port u waqt l-imbark u l-iżbark.

(3)

Il-ġarr tat-tagħmir tal-mobbiltà kollu meħtieġ, inkluż tagħmir bħal siġġijiet tar-roti elettriċi.

(4)

Il-bdil temporanju tat-tagħmir tal-mobbiltà li tkun ġratlu xi ħsara jew li jkun intilef, għalkemm dan mhux neċessarjament ikun identiku.

(5)

Ground handling ta’ klieb ta' għajnuna rikonoxxuti, meta jkun rilevanti.

(6)

Il-komunikazzjoni f'formati aċċessibbli tal-informazzjoni meħtieġa għall-imbark u l-iżbark.


ANNESS III

Għajnuna abbord il-vapuri kif imsemmi fl-Artikoli 10 u 13

1.

Il-ġarr ta' klieb tal-għajnuna rikonoxxuti abbord il-vapur, suġġett għar-regolamenti nazzjonali.

2.

Il-ġarr ta' tagħmir mediku u tat-tagħmir tal-mobbiltà meħtieġ għall-persuna b'diżabbiltà jew għall-persuna b'mobbiltà mnaqqsa, inklużi siġġijiet tar-roti elettriċi.

3.

Il-komunikazzjoni tal-informazzjoni essenzjali li tikkonċerna rotta f’formati aċċessibbli.

4.

L-isforzi kollha raġonevoli li jsiru biex isir arranġament ta’ postijiet li jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ persuni b'diżabbiltà jew persuni b’mobbiltà mnaqqsa fuq talba u suġġett għar-rekwiżiti tas-sigurtà u d-disponibbiltà.

5.

Jekk ikun meħtieġ, l-għajnuna sal-faċilitajiet sanitarji (jekk ikun hemm).

6.

Meta persuna b'diżabbiltà jew persuna b'mobbiltà mnaqqsa tkun megħjuna minn persuna li takkumpanjaha, it-trasportatur għandu jagħmel l-isforzi kollha raġonevoli biex jagħti lil din il-persuna post jew kabina maġenb il-persuna b'diżabbiltà jew il-persuna b'mobbiltà mnaqqsa.


ANNESS IV

Taħriġ relatat mad-diżabbiltà, inklużi istruzzjonijiet, kif imsemmi fl-Artikolu 14

A.   Taħriġ relatat mal-għarfien tad-diżabbiltà, inklużi istruzzjonijiet

It-taħriġ relatat mal-għarfien tad-diżabbiltà, inklużi l-istruzzjonijiet, jinkludu:

l-għarfien u l-imġiba adatta fir-rigward tal-passiġġieri b'diżabbiltajiet fiżiċi, sensorjali (smigħ u vista), diżabbiltajiet ma jidhrux jew intelletwali, inkluż kif tiddistingwi bejn l-abbiltajiet differenti ta' persuni li l-mobbiltà, l-orjentazzjoni jew il-komunikazzjoni tagħhom tista' tkun imnaqqsa;

xkiel iffaċċjat minn persuni b’diżabbiltà u persuni b’mobbiltà mnaqqsa, inkluż xkiel ta’ attitudni, ambjentali/fiżiku u organizzattiv;

klieb tal-għajnuna rikonoxxuti, inklużi r-rwol u l-ħtiġijiet tal-kelb tal-għajnuna;

indirizzar tal-affarijiet li jiġru bla mistenni;

il-ħiliet interpersonali u l-metodi ta' komunikazzjoni ma' nies neqsin mis-smigħ u ma' nies neqsin mid-dawl, ma' nies b'diffikultajiet fit-taħdit u ma' nies b'diżabbiltà intelletwali;

għarfien ġenerali tal-linji gwida tal-IMO relatati mar-Rakkommandazzjoni għad-Disinn u l-Operat tal-vapuri tal-passiġġieri biex iwieġbu għall-ħtiġijiet tal-anzjani u ta’ persuni b'diżabbiltà.

B.   Taħriġ relatat mal-għajnuna lil persuni b'diżabbiltà, inklużi istruzzjonijiet

It-taħriġ relatat mal-għajnuna lil persuni b'diżabbiltà, inklużi l-istruzzjonijiet, jinkludu:

kif tgħin lil min juża siġġu tar-roti jpoġġu u jqum mis-siġġu tar-roti;

ħiliet biex tingħata għajnuna lil persuni b’diżabbiltà u persuni b’mobbiltà mnaqqsa li jkunu qed jivvjaġġaw b'kelb tal-għajnuna rikonoxxut, inklużi r-rwol u l-ħtiġijiet ta’ dawk il-klieb;

tekniki biex jiġu eskortati passiġġieri neqsin mid-dawl u għat-trattament u l-ġarr ta' klieb tal-għajnuna rikonoxxuti;

fehim tat-tipi ta’ tagħmir li jista’ jgħin lil persuni b’diżabbiltà u lil persuni b’mobbiltà mnaqqsa u għarfien ta’ kif apparat bħal dan jiġi maneġġat b'attenzjoni;

l-użu ta’ tagħmir ta’ għajnuna għall-inżul u għat-tlugħ użat u għarfien tal-proċeduri adatti għall- għajnuna waqt it-tlugħ u l-inżul li jissalvagwardja s-sigurtà u d-dinjità ta' persuni b’diżabbiltà u ta' persuni b’mobbiltà mnaqqsa;

fehim tal-ħtieġa tal-għajnuna affidabbli u professjonali. Għarfien ukoll tal-potenzjal ta' ċerti persuni b'diżabbiltà u persuni b’mobbiltà mnaqqsa li jesperjenzaw sensazzjonijiet ta' vulnerabbiltà matul il-vjaġġ minħabba d-dipendenza tagħhom fuq l-għajnuna pprovduta;

għarfien tal-ewwel għajnuna.


DIKJARAZZJONI TAR-RAĠUNIJIET TAL-KUNSILL

I.   INTRODUZZJONI

Fl-4 ta' Diċembru 2008, il-Kummissjoni ppreżentata proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw bil-baħar jew fuq l-ilmijiet navigabbli interni u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (1).

Fit-23 ta' April 2009, il-Parlament Ewropew ivvota l-opinjoni tiegħu fl-ewwel qari (2).

Fid-9 ta' Ottubru 2009, il-Kunsill laħaq qbil politiku dwar l-abbozz ta' Regolament. Wara reviżjoni legali/lingwistika, il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari fil-11 ta' Marzu 2010, f'konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja stabbilita fl-Artikolu 294 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Fit-twettiq tal-ħidma tiegħu, il-Kunsill ħa kont tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Il-Kumitat tar-Reġjuni ddeċieda li ma jagħtix opinjoni.

II.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI FL-EWWEL QARI

(1)   Ġenerali

Il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw bil-baħar jew fuq l-ilmijiet interni tifforma parti mill-objettiv ġenerali tal-UE għat-tisħiħ tad-drittijiet tal-passiġġieri, b'mod partikolari d-drittijiet ta' persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa. Leġislazzjoni ta' natura simili diġà ġiet adottata għall-passiġġieri li jivvjaġġaw bl-ajru (3) jew bil-ferrovija (4). Il-proposta fiha, min-naħa waħda, dispożizzjonijiet dwar aċċess mhux diskriminatorju u assistenza għal persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa, u min-naħa l-oħra, dispożizzjonijiet dwar id-dritt għal assistenza, informazzjoni u possibbilment kumpens f'każ ta' dewmien jew kanċellazzjoni għall-kategoriji kollha tal-passiġġieri.

Minkejja li l-Kunsill jaqbel mal-Kummissjoni dwar l-objettiv tal-proposta, l-approċċ tal-Kunsill involva adattamenti maġġuri tal-proposta oriġinali. Għadd ta' dispożizzjonijiet proposti ma kinux aċċettabbli minħabba li kienu jimponu piżijiet amministrattivi u spejjeż kbar wisq għat-trasportaturi u l-amministrazzjonijiet nazzjonali, mingħajr tkattir ta' valur miżjud għall-passiġġieri li jegħleb dawn l-inkonvenjenzi. Oħrajn ġew riformulati bil-ħsieb li jissimplifikaw u jiċċaraw ir-Regolament.

Bħala riżultat ta' dan l-approċċ, il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari timmodifika, fil-biċċa l-kbira, il-proposta oriġinali tal-Kummissjoni billi tabbozzaha mill-ġdid u tħassar diversi dispożizzjonijiet tat-test. Dan jimplika li l-emendi kollha introdotti fl-opinjoni tal-Parlament Ewropew fl-ewwel qari relatati ma' dawn id-dispożizzjonijiet imħassra ma ġewx aċċettati mill-Kunsill.

(2)   Kwistjonijiet ta' politika ewlenin

(i)   Kamp ta' applikazzjoni tal-applikazzjoni

Kamp ta' applikazzjoni ġeografiku

Il-Kummissjoni pproponiet li r-Regolament għandu japplika għas-servizzi tal-passiġġieri u tal-kruċiera bejn portijiet fl-Istati Membri jew f'portijiet fl-Istati Membri.

Il-Kunsill iqis li l-proposta tal-Kummissjoni teħtieġ li tiġi kkjarifikata f'dan ir-rigward, sabiex tiġi evitata distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn is-servizzi tal-passiġġieri fl-UE u barra mill-UE. Għalhekk, il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tirfina d-dispożizzjonijiet imsemmijin hawn fuq. Hija tiddistingwi bejn is-servizzi tal-passiġġieri fejn il-port tal-imbark jinsab fit-territorju ta' Stat Membru, min-naħa waħda, u s-servizzi tal-passiġġieri fejn il-port tal-imbark jinsab “il barra mit-territorju ta” Stat Membru, iżda l-port tal-iżbark jinsab fit-territorju ta' Stat Membru, min-naħa l-oħra. Fil-każ tal-aħħar, ir-Regolament ser japplika biss jekk is-servizz ikun operat minn trasportatur tal-Unjoni. Madankollu, id-definizzjoni ta' trasportatur tal-Unjoni għandha tiġi interpretata b'mod wiesa' kemm jista' jkun sabiex tkopri l-biċċa l-kbira tas-servizzi tal-passiġġieri bejn portijiet tal-UE u portijiet mhux tal-UE. Fil-każ tal-kruċiera, ir-Regolament ser japplika biss għal kruċiera fejn il-port tal-imbark jinsab fit-territorju ta' Stat Membru.

Barra minn hekk, il-Kunsill introduċa definizzjoni ta' “territorju ta' Stat Membru”.

Eżenzjonijiet mill-kamp ta' applikazzjoni

Il-proposta oriġinali tal-Kummissjoni fil-prinċipju kienet tkopri s-servizzi tal-passiġġieri kollha, irrispettivament mill-għadd ta' passiġġieri ttrasportati, id-distanza tas-servizz, il-fini tal-vjaġġ, eċċ. Il-Kummissjoni kienet ipprevediet biss possibbiltà għall-Istati Membri li jeżentaw is-servizzi koperti minn kuntratti tas-servizz pubbliku.

Il-Kunsill iqis li huwa importanti li dawn id-dispożizzjonijiet jiġu adatti għal dak li hu possibbli fil-prattika u meħtieġ. Għalhekk, huwa jintroduċi ċertu għadd ta' eżenzjonijiet fejn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament ma japplikawx. Il-Kunsill jaqbel li jeskludi mill-kamp ta' applikazzjoni l-passiġġieri li jivvjaġġaw b' vapuri ċċertifikati biex iġorru mhux aktar minn 36 passiġġier, b'vapuri b'ekwipaġġ ta' mhux aktar minn tliet persuni jew b'servizz għall-passiġġieri globali ta' inqas minn 500 metru f'direzzjoni waħda. Barra minn hekk, huma esklużi wkoll eskursjonijiet u ġiti turistiċi (apparti l-kruċiera).

Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw, għal perijodu ta' sentejn mid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament, vapuri tat-tbaħħir ta' inqas minn 300 tunnellata grossa li joperaw it-trasport domestiku. Jekk Stat Membru jagħżel li jagħmel dan, huwa għandu, madankollu, jiżgura b'mod adegwat id-drittijiet tal-passiġġieri skont il-liġi nazzjonali. L-Istati Membri jistgħu wkoll jeżentaw servizzi tal-passiġġieri koperti mill-obbligi tas-servizz pubbliku, kuntratti tas-servizz pubbliku jew servizzi integrati, dment li d-drittijiet tal-passiġġieri jkunu ggarantiti b'mod adegwat skont il-liġi nazzjonali.

Il-Parlament Ewropew fil-prinċipju segwa l-approċċ tal-Kummissjoni, iżda żied possibbiltà għall-Istati Membri biex jeżentaw servizzi urbani u suburbani (l-emenda 10). Il-Kunsill ma jiħux kont ta' din l-emenda, iżda l-eżenzjonijiet mill-kamp ta' applikazzjoni proposti mill-Kunsill fil-prattika ser ifissru li ħafna servizzi ta' dak it-tip ser jiġu esklużi.

(ii)   Drittijiet tal-persuni b'diżabbiltà u tal-persuni b'mobbiltà mnaqqsa

Il-Kunsill jappoġġa bil-qalb kollha l-objettiv tal-Kummissjoni li jiġi żgurat li persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa jkollhom aċċess mhux diskriminatorju għat-trasport marittimu u fuq l-ilmijiet interni. Għalhekk, il-Kunsill isegwi mill-qrib il-proposta tal-Kummissjoni, għajr għal ċerti simplifikazzjonijiet u kjarifiki.

Fir-rigward tal-eċċezzjonijiet għad-dritt tat-trasport, il-Kummissjoni kienet ipproponiet li persuna b'diżabbiltà setgħet tiġi mċaħħda trasport b'relazzjoni għar-rekwiżiti ta' sikurezza jew tal-istruttura tal-vapur tal-passiġġieri. Ma' dan, il-Kunsill żied rekwiżiti tas-saħħa, sabiex jittieħed kont ta' każijiet fejn l-istat mediku tal-passiġġier ikun tali li t-trasport bla periklu tiegħu jew tagħha ma jistax jiġi garantit.

F'dan ir-rigward, il-Parlament Ewropew kien ippropona t-tħassir ta' kwalunkwe referenza għar-rekwiżiti ta' sikurezza (l-emendi 1, 26 u 29) u ż-żieda ta' referenza għat-trasport b'mod sikur, dinjituż u operattivament fattibbli (l-emenda 27). Fir-rigward ta' din l-aħħar emenda, il-Kunsill integraha fil-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari, għajr għall-kelma “dinjituż”. Il-Kunsill iqis li ħadd, għajr il-persuna b'diżabbiltà jew il-persuna b'mobbiltà mnaqqsa, ma tista' tiddeċiedi x'inhu mod ta' trasport dinjituż u li tali deċiżjoni m'għandhiex tittieħed mit-trasportatur.

Skont il-proposta inizjali, it-trasportatur jista' jesiġi li persuna b’diżabbiltà jew persuna b’mobbiltà mnaqqsa tkun akkumpanjata minn persuna oħra li tkun kapaċi tipprovdilha l-assistenza. Skont il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari, jekk it-trasportatur jagħmel tali talba fir-rigward tas-servizz tal-passiġġieri, il-persuna li takkumpanja għandha tinġarr mingħajr ħlas.

Fir-rigward tal-assistenza lil persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa, tali assistenza ser tiġi pprovduta bil-kondizzjoni li l-persuna kkonċernata tinnotifika lit-trasportatur jew l-operatur tat-terminal mhux anqas minn jumejn tax-xogħol bil-quddiem (il-Kummissjoni pproponiet 48 siegħa) u tkun preżenti fil-port jew f'punt magħżul tal-anqas 60 minuta qabel l-imbark jew il-ħin tat-tluq. Barra minn hekk, jekk il-persuna jkollha bżonnijiet speċifiċi ta' akkomodazzjoni jew post fejn tpoġġi bilqiegħda jew biex iġġib tagħmir mediku, il-passiġġier għandu jinnotifika lit-trasportatur b'tali ħtiġijiet fil-mument tar-riżervazzjoni, jekk tkun taf bil-ħtieġa dak il-ħin. Dan ir-rekwiżit addizzjonali, introdott mill-Kunsill, ser jippermetti li t-trasportatur jissodisfa dawk il-ħtiġijiet speċifiċi u jagħti l-aħjar servizz possibbli lill-persuna kkonċernata.

Diversi emendi tal-Parlament Ewropew jirrigwardaw l-informazzjoni f'formati aċċessibbli għal persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa. Dawn ġew aċċettati mill-Kunsill. L-istess japplika għall-emendi tal-Parlament li jirrigwardaw bidla minn “annimal tal-assistenza” għal “kelb tal-assistenza”.

(iii)   Obbligi tat-trasportaturi u operaturi tat-terminal f'każ ta' vjaġġ interrott

Il-proposta tal-Kummissjoni pprevediet id-dritt għal informazzjoni, assistenza (inkluż l-ikel, ix-xorb u possibbilment akkomodazzjoni f'lukanda), tibdil tar-rotta u rimbors kif ukoll kumpens għall-prezz tal-biljett għall-passiġġieri kollha f'każ ta' dewmien u, f'ċerti każijiet, kanċellazzjoni ta' servizz tal-passiġġieri jew kruċiera. Madankollu, il-kumpens għall-prezz tal-biljett ma jitħallasx meta d-dewmien jew il-kanċellazzjoni jkunu kkawżati minn ċirkostanzi eċċezzjonali li jfixklu l-prestazzjoni tas-servizz tat-trasport.

Il-Kunsill jaqbel mal-prinċipju li t-trasportaturi u l-operaturi tat-terminal għandhom jieħdu ħsieb il-passiġġieri tagħhom, u huwa estenda dan il-prinċipju biex jinkludi l-każijiet kollha ta' kanċellazzjonijiet. Madankollu, f'ċerti każijiet mhux possibbli jew raġonevoli li tiġi pprovduta, pereżempju, informazzjoni dwar dewmien f'port mingħajr ekwipaġġ. Għalhekk, il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tintroduċi l-kunċett ta' terminals tal-portijiet, jiġifieri terminals bl-ekwipaġġ f'port b'ċerti faċilitajiet u persunal (bħaċ-check-in, ticket counters jew lounges). Ċerti obbligi tat-trasportaturi u operaturi tat-terminal japplikaw biss għall-passiġġieri li jitilqu minn tali terminals tal-portijiet. Dan huwa l-każ ta' informazzjoni u assistenza u, sa ċertu punt, ta' tibdil fir-rotta u rimborż.

Konsiderazzjoni oħra li tissottolinja l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari hija dik tas-sikurezza marittima. Sabiex jiġi evitat li t-trasportaturi, għal raġunijiet ekonomiċi, isalpaw jew iġerru f'kondizzjonijiet tat-temp li jpoġġu fil-periklu l-operat sigur tal-bastiment, ġiet introdotta eżenzjoni mill-obbligu li tiġi pprovduta l-akkomodazzjoni jew kumpens għall-prezz tal-biljett f'tali każijiet. Barra minn hekk, il-kunċetti ta' kondizzjonijiet tat-temp ħżiena u ċirkostanzi straordinarji huma spjegati b'manjiera mhux eżawrjenti f'żewġ premessi. Aktar eżenzjonijiet għad-dritt għal assistenza u kumpens ġew introdotti meta l-passiġġier jiġi informat bil-kanċellazzjoni jew id-dewmien qabel ma jixtri l-biljett jew meta l-passiġġier jikkawża l-kanċellazzjoni jew id-dewmien. Fl-aħħar nett, it-trasportatur ingħata l-possibbiltà li jillimita l-ispiża tal-akkomodazzjoni għal EUR 120 u li jintroduċi livell minimu li taħtu ma jitħallasx kumpens (biljetti li jqumu EUR 10 jew inqas).

Il-Parlament Ewropew kien issuġġerixxa eżenzjonijiet f'każ ta' force majeure (l-emendi 23 u 60) jew jekk jitħabbru kanċellazzjoni jew dewmien minn qabel (l-emenda 59). L-ispirtu ta' dawn l-emendi ġie aċċettat mill-Kunsill. Barra minn hekk, il-Parlament kien ippropona limitu għall-ispiża tal-akkomodazzjoni għad-doppju tal-prezz tal-biljett (l-emenda 53). Il-Kunsill iqis li dan huwa wisq sfavorevoli għall-passiġġieri u t-trasportaturi f'ċerti każijiet u jsib il-limitu ta' EUR 120 aktar raġonevoli kemm għall-passiġġieri kif ukoll għat-trasportaturi.

(iv)   Trattar ta' lmenti u korpi nazzjonali tal-infurzar

Il-proposta tal-Kummissjoni kien fiha regoli dettaljati dwar kif it-trasportaturi għandhom jittrattaw l-ilmenti, b'mod partikolari l-konsegwenzi legali kbar meta ma tingħatax risposta għall-ilmenti, u dwar il-ħatra u r-responsabbiltajiet ta' korpi tal-infurzar nazzjonali.

Il-Kunsill, għalkemm jaqbel fil-prinċipju mal-proposta, b'mod partikolari li t-trasportaturi għandhom iwieġbu għall-ilmenti tal-klijenti tagħhom, jintroduċi aktar flessibbiltà fis-sistema sabiex jevita konsegwenzi mhux previsti għas-sistemi legali jew l-istrutturi amministrattivi tal-Istati Membri.

Il-Parlament Ewropew issuġġerixxa li kull Stat Membru għandu jaħtar korp tal-infurzar nazzjonali wieħed biss (l-emendi 5, 6, 66, 67 u 68) u li l-Istati Membri, mhux it-trasportaturi, għandhom jistabbilixxu mekkaniżmu indipendenti għat-trattar tal-ilmenti (l-emenda 65). Madankollu, għal raġunijiet ta' flessibbiltà spjegati hawn fuq, il-Kunsill ma jqisx li hu adatt li l-marġni ta' manuvra tal-Istati Membri jiġi limitat b'dak il-mod. Barra minn hekk, il-Parlament ippropona li l-korpi tal-infurzar nazzjonali għandhom ikunu indipendenti mill-interessi kummerċjali kollha (l-emenda 66). Il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tispeċifika li dawn il-korpi għandhom ikunu indipendenti mit-trasportaturi, l-operaturi turistiċi u l-operaturi tat-terminals.

(v)   Data tal-applikazzjoni tar-Regolament

Il-Kummissjoni kienet ipproponiet li r-Regolament kollu għandu japplika minn sentejn wara l-pubblikazzjoni, filwaqt li ċerti dispożizzjonijiet għandhom japplikaw diġà minn sena wara l-pubblikazzjoni tiegħu.

Il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tipprevedi li r-Regolament kollu ser japplika minn tliet snin wara l-pubblikazzjoni tiegħu.

(3)   Kwistjonijiet ta' politika oħrajn

Il-Kunsill iddeċieda li jissimplifika t-titolu tar-Regolament.

Il-Kunsill iddeċieda li jikkjarifika d-dispożizzjonijiet dwar is-subkuntrattar ta' ċerti obbligi li jirriżultaw mir-Regolament biż-żieda ta' artikolu ġenerali dwar partijiet ta' prestazzjoni oħrajn.

Il-Kunsill iddeċieda li jħassar ir-rekwiżit għat-trasportaturi li jżommu kontijiet separati għall-ispiża tal-provvista ta' assistenza lill-persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa sabiex jevitaw piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa għal, b'mod partikolari, trasportaturi żgħar. Fl-istess spirtu, il-Kunsill iddeċieda li jillimita l-obbligu li jistabbilixxi standard ta' kwalità għal tali assistenza għal operaturi u trasportaturi ta' terminals ikbar, u li jirristrinġi r-rekwiżiti ta' taħriġ u struzzjonijiet fir-rigward tad-diżabbiltà lil dawk il-kategoriji tal-persunal li attwalment jeħtiġuhom.

(4)   Emendi oħrajn adottati mill-Parlament Ewropew

Emendi oħrajn li mhumiex inklużi fil-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari jikkonċernaw:

jitqiesu l-ħtiġijiet ta' persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa fil-każijiet kollha meta l-portijiet, it-terminals u l-vapuri tal-passiġġieri huma mfassla jew immodernizzati, mingħajr il-kwalifika “meta meħtieġ” (l-emenda 2);

id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-imbark ta’ persuni b'diżabbiltà jew persuni b'mobbiltà mnaqqsa għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-imbark (l-emenda 3);

l-istedina lill-Kummissjoni biex tipproponi regoli ċari għad-drittijiet tal-passiġġieri fil-punti tat-trasferiment bejn l-art u l-baħar jew it-trasport fuq l-ilmijiet interni (l-emenda 7);

approċċ leġislattiv orizzontali li jkopri l-mezzi kollha tat-trasport fil-każ ta' inizjattiva leġislattiva futura fir-rigward tad-drittijiet tal-passiġġieri (l-emenda 8);

l-inklużjoni tad-diżabbiltà psikosoċjali fid-definizzjoni ta' persuna b'diżabbiltà jew persuna b'mobbiltà mnaqqsa (l-emenda 11);

bidliet għad-definizzjoni ta' “kuntratt tat-trasport” (l-emenda 14) u “bejjiegħ tal-biljetti” (l-emenda 15);

id-definizzjonijiet proposti ta' “formati aċċessibbli” (l-emenda 18), “passiġġier” (l-emenda 19), “wasla” (l-emenda 20), “tluq” (l-emenda 21), “prezz tal-biljett” (l-emenda 22) u “force majeure” (l-emenda 23);

ir-regoli ta' aċċess għat-trasport ta' persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa, li għandhom jiġu stabbiliti taħt is-sorveljanza tal-korpi tal-infurzar nazzjonali u li dawn ir-regoli għandhom jinkludu persuni li jakkumpanjaw u l-aċċessibbiltà ta' tagħmir ta' għajnuna mwaħħal (l-emenda 31);

il-konferma bil-miktub li għandha tingħata għall-għoti ta' assistenza lil persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa (l-emenda 34);

l-assistenza adattata għall-ħtiġijiet individwali ta' persuni b’diżabilità jew persuni b’mobbiltà mnaqqsa (l-emenda 35);

ir-responsabbiltà tal-korp ta' ġestjoni ta' port biex jiġi żgurat li l-port ikun aċċessibbli għal persuni b'diżabbiltà jew persuni b'mobbiltà mnaqqsa (l-emenda 37);

il-possibbiltà ta' qbil dwar perijodu ta' notifika iqsar għall-assistenza bejn il-fornitur tal-assistenza u l-passiġġier (l-emenda 38);

il-ħtieġa tal-iżgurar li l-passiġġier jirċievi konferma tan-notifika tal-ħtiġijiet għall-assistenza tiegħu jew tagħha (l-emenda 39);

l-obbligu tat-trasportatur li jipprovdi tagħmir ta' sostituzzjoni adatt għall-ħtiġijiet tal-passiġġier ikkonċernat meta t-tagħmir tal-mobbiltà tiġrilu l-ħsara matul il-vjaġġ (l-emenda 50);

f'każ ta' dewmien, il-pasiġġier għandu jiġu offrut rimborż tal-prezz tal-biljett biss jekk hu jew hi jiddeċiedu li ma jivvjaġġawx mat-trasportatur (l-emenda 54);

kwalunkwe kumpens mogħti skont dan ir-Regolament, li jista' jitnaqqas minn kwalunkwe kumpens addizzjonali mogħti (l-emenda 61);

il-penali applikabbli għall-ksur tar-Regolament, li jistgħu jinkludu ordni għall-ħlas tal-kumpens (l-emenda 70);

l-emendi 71, 72 u 75 dwar l-Annessi għar-Regolament.

III.   KONKLUŻJONI

Fl-istabbiliment tal-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari, il-Kunsill ħa kont sħiħ tal-proposta tal-Kummissjoni u tal-opinjoni tal-Parlament Ewropew fl-ewwel qari. Fir-rigward tal-emendi proposti mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill josserva li numru konsiderevoli ta' emendi ġew diġà inklużi - fl-ispirtu, parzjalment jew kompletament - tal-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari.


(1)  Dok. 11990/08.

(2)  A6-0209/2009.

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, ĠU L 46, 17.2.2004, p. 1, u r-Regolament (KE) Nru 1107/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar id-drittijiet ta' persuni b'diżabbiltà u ta' persuni b'mobbiltà mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru, ĠU L 204, 26.7.2006, p. 1.

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar id-Drittijiet u l-Obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji ĠU L 315, 3.12.2007, p. 14.


11.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 122/38


POŻIZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 6/2010 FL-EWWEL QARI

bil-ħsieb li jiġi adottat ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1331/2008 u li jħassar r-Regolament (KE) Nru 258/97 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001

Adottata mill-Kunsill fil-15 ta’ Marzu 2010

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2010/C 122 E/03

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-moviment ħieles ta' ikel sikur u bnin huwa aspett essenzjali tas-suq intern u jikkontribwixxi b'mod sinifikattiv għas-saħħa u l-benessri taċ-ċittadini, kif ukoll għall-interessi soċjali u ekonomiċi tagħhom. Id-differenzi bejn liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali dwar il-valutazzjoni u l-awtorizzazzjoni tas-sikurezza ta' ikel ġdid jistgħu jfixklu l-moviment ħieles tiegħu, u b’hekk joħolqu kondizzjonijiet ta' kompetizzjoni inġusti.

(2)

Għandu jkun żgurat livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fit-twettiq tal-linji politiċi tal-Unjoni. Għandha tingħata l-attenzjoni dovuta, fejn adatt, lill-protezzjoni tal-ambjent u lit-trattament xieraq tal-annimali.

(3)

Ir-regoli tal-Unjoni dwar ikel ġdid ġew stabbiliti permezz tar-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Jannar 1997 dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti tal-ikel il-ġdid (3) u permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001 tal-20 ta' Settembru 2001 li jistabbilixxi regoli dettaljati biex ċerta informazzjoni titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku u għall-protezzjoni tal-informazzjoni ppreċentata skont ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 258/97 (4). Għal raġunijiet ta' ċarezza, ir-Regolament (KE) Nru 258/97 u r-Regolament (KE) Nru 1852/2001 għandhom jiġu mħassra u r-Regolament (KE) Nru 258/97 għandu jiġi sostitwit b'dan ir-Regolament. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 97/618/KE tad-29 ta' Lulju 1997 dwar l-aspetti xjentifiċi u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni neċessarja sabiex tappoġġja applikazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq ta' ikel ġdid u l-ingredjenti ta' ikel ġdid u l-preparazzjoni ta' rapporti inizjali ta' valutazzjoni taħt ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) m'għandhiex għalhekk tapplika aktar fir-rigward ta' ikel ġdid.

(4)

Sabiex tkun żgurata l-kontinwità mar-Regolament (KE) Nru 258/97, in-nuqqas ta' użu għall-konsum mill-bniedem sa grad sinifikanti fl-Unjoni qabel id-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 258/97, jiġifieri l-15 ta’ Mejju 1997, għandu jinżamm bħala l-kriterju għal ikel biex dan jitqies bħala ġdid. Użu fl-Unjoni jirreferi għal użu fl-Istati Membri irrispettivament mid-data tal-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni Ewropea.

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-r-rekwiżiti tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (6) japplika. Id-definizzjoni eżistenti ta’ ikel ġdid għandha tiġi ċċarata u aġġornata billi tissostitwixxi l-kateġoriji eżistenti, b’referenza għad-definizzjoni ġenerali ta’ ikel f'dak ir-Regolament.

(6)

Għandu jiġi ċċarat ukoll li ikel għandu jitqies bħala ġdid meta għal dak l-ikel tiġi applikata teknoloġija ta' produzzjoni li ma tkunx intużat qabel għall-produzzjoni tal-ikel fl-Unjoni. B’mod partikolari, teknoloġiji emerġenti fil-proċessi ta' tgħammir u produzzjoni tal-ikel, li għandhom impatt fuq l-ikel, u għalhekk jista' jkollhom impatt fuq is-sikurezza tal-ikel, għandhom jiġu koperti minn dan ir-Regolament. Għalhekk l-ikel ġdid għandu jinkludi ikel derivat minn annimali prodotti permezz ta' tekniki mhux tradizzjonali ta' tgħammir u mill-frieħ tagħhom, ikel derivat mill-pjanti prodotti permezz ta' tekniki mhux tradizzjonali ta' tgħammir, ikel prodott permezz ta' proċessi ġodda ta' produzzjoni, li jista' jkollu impatt fuq l-ikel jew fuq ikel li fih jew li hu magħmul minn nanomaterjali maħdumin. Ikel derivat minn varjetajiet ta’ pjanti ġodda, jew razez ta’ annimali prodotti minn tekniki ta’ tagħmir tradizzjonali, għandhom jitqiesu bħala ikel ġdid. Barra minn hekk, għandu jiġi ċċarat li ikel minn pajjiżi terzi li jkun ġdid fl-Unjoni jista' jitqies bħala tradizzjonali biss meta jkun derivat minn produzzjoni primarja kif iddefinit fir-Regolament (KE) Nru 178/2002, sew jekk ikun ipproċessat jew le (eż. frott, ġamm, meraq tal-frott). Madankollu, ikel akkwistat b'dan il-mod m'għandu la jinkludi ikel prodott minn annimali jew pjanti li għalihom tkun ġiet applikata teknika mhux tradizzjonali ta' tgħammir jew ikel prodott mill-frieħ ta' dawn l-annimali, u lanqas ikel li għalih ikun ġie applikat proċess ġdid ta' produzzjoni.

(7)

Madankollu, fid-dawl tal-opinjoni tal-Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u t-Teknoloġiji l-Ġodda, stabbilit permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 1997, li ħarġet fis-16 ta' Jannar 2008 u tal-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel adottata fil-15 ta' Lulju 2008, it-tekniki ta' kklonar ta' annimali, bħat-trasferiment nukleari ta' ċelluli somatiċi, għandhom karatteristiċi speċifiċi tali li dan ir-Regolament ma jistax jindirizza l-kwistjonijiet kollha dwar l-ikklonar. Għalhekk, ikel prodott minn annimali miksuba permezz tal-użu ta' teknika ta' kklonar u mill-frieħ tagħhom għandu jkun soġġett għal rapport ppreżentat mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, segwit, jekk ikun adatt, minn proposta leġiżlattiva. Jekk tiġi adottata leġiżlazzjoni speċifika, l-iskop ta' dan ir-Regolament għandu jiġi adattat skont il-każ.

(8)

Għandhom jiġu adottati miżuri implimentattivi biex isir provvediment għal kriterji biex jiffaċilitaw il-valutazzjoni ta’ jekk ikel intużax għall-konsum mill-bniedem sa grad sinifikanti fl-Unjoni qabel il-15 ta’ Mejju 1997. Jekk, qabel dik id-data, ikel intuża esklussivament bħala suppliment tal-ikel jew f'suppliment tal-ikel, kif iddefinit fid-Direttiva 2002/46/KE (7), dan għandu jkun permess jitqiegħed fis-suq fl-Unjoni wara dik id-data għall-istess użu mingħajr ma jitqies bħala ikel ġdid. Madankollu, dak l-użu bħala suppliment tal-ikel, jew f’suppliment tal-ikel m’għandux jitqies għall-valutazzjoni dwar jekk l-ikel intużax għall-konsum mill-bniedem sa grad sinifikanti fl-Unjoni qabel il-15 ta’ Mejju 1997. Għalhekk, użi tal-ikel ikkonċernat minbarra f'suppliment tal-ikel, jew bħala suppliment tal-ikel, għandhom jiġu awtorizzati skont dan ir-Regolament.

(9)

L-użu ta' nanomaterjali maħdumin fil-produzzjoni tal-ikel jista' jiżdied mal-iżvilupp ulterjuri tat-teknoloġija. Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, il-moviment liberu ta' prodotti u ċ-ċertezza legali għall-produtturi, huwa meħtieġ li tiġi żviluppata definizzjoni uniformi għan-nanomaterjali maħdumin fil-livell internazzjonali. L-Unjoni għandha tipprova tilħaq qbil dwar definizzjoni f'fora internazzjonali adatti. Jekk dan il-qbil jintlaħaq, id-definizzjoni ta' nanomaterjali maħdumin f'dan ir-Regolament għandha tiġi adattata skont il-każ.

(10)

Prodotti tal-ikel magħmulin minn ingredjenti tal-ikel li ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, b'mod partikolari billi jinbidlu l-ingredjenti tal-ikel, il-kompożizzjoni jew l-ammont tagħhom, m'għandhomx jitqiesu bħala ikel ġdid. Madankollu, modifiki ta' ingredjent tal-ikel, eż. estratti selettivi jew l-użu ta' partijiet oħrajn ta' xitla, li s'issa għadhom ma ntużawx għall-konsum mill-bniedem fl-Unjoni, xorta għandhom jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(11)

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (8) għandhom japplikaw meta, b'kont meħud tal-karatteristiċi kollha tiegħu, prodott jista' jaqa' kemm taħt id-definizzjoni ta' “prodott mediċinali” u kif ukoll taħt id-definizzjoni ta' prodott kopert b'leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni. F'dan ir-rigward, Stat Membru, jekk huwa jistabbilixxi skont id-Direttiva 2001/83/KE li prodott ikun prodott mediċinali, għandu jkun permess jirrestrinġi t-tqegħid fis-suq ta' tali prodott skont il-liġi tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-prodotti mediċinali huma esklużi mid-definizzjoni ta' ikel kif stabbilita permezz tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 u m'għandhomx ikunu soġġetti għal dan ir-Regolament.

(12)

Ikel ġdid awtorizzat skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 għandu jżomm l-istatus ta’ ikel ġdid tiegħu iżda tkun meħtieġa awtorizzazzjoni għal kwalunkwe użu ġdid ta’ tali ikel.

(13)

Ikel maħsub għal użi teknoloġiċi jew li huwa modifikat ġenetikament m’għandux jaqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Għalhekk, ikel ġenetikament modifikat li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 (9), ikel użat biss bħala addittiv li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 (10), aromatizzanti li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 (11), enżimi li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tar- Regolament (KE) Nru 1332/2008 (12) u solventi tal-estrazzjoni li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2009/32/KE (13) m' għandhomx ikunu koperti minn dan ir-Regolament.

(14)

L-użu ta' vitamini u minerali huwa rregolat minn liġijiet settorjali speċifiċi tal-ikel. Il-vitamini u l-minerali li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2002/46/KE, ir-Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar iż-żieda ta' vitamini u minerali u ta' ċerti sustanzi oħra mal-ikel (14) u d-Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 dwar l-oġġetti tal-ikel għal użu ta’ nutriment partikolari (Tfassil mill-ġdid) (15) għandhom għalhekk jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Madankollu, dawk l-atti legali speċifiċi ma jittrattawx każijiet fejn vitamini u sustanzi minerali awtorizzati jinkisbu permezz ta' metodi ta' produzzjoni jew bl-użu ta' sorsi ġodda li ma ġewx meqjusa meta ġew awtorizzati. Għalhekk, sakemm jiġu emendati dawk l-atti legali speċifiċi, tali vitamini u sustanzi minerali m'għandhomx jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament meta l-metodi ta' produzzjoni jew is-sorsi ġodda jagħtu bidu għal bidliet sinifikanti fil-kompożizzjoni jew fl-istruttura tal-vitamini jew minerali li taffettwa l-valur nutrittiv tagħhom, kif jiġu metabolizzati jew il-livell ta' sustanzi mhux mixtieqa tagħhom.

(15)

Ikel ġdid, minbarra vitamini u minerali, maħsub għal użi nutrittivi partikolari, għall-fortifikazzjoni tal-ikel jew bħala supplimenti tal-ikel, għandu jiġi valutat skont dan ir-Regolament. Dan għandu jibqa' ukoll soġġett għar-regoli previsti fid-Direttiva 2002/46/KE, fir-Regolament (KE) Nru 1925/2006, fid-Direttiva 2009/39/KE, u fid-Direttivi speċifiċi msemmija fid-Direttiva 2009/39/KE u fl-Anness I tagħha.

(16)

Id-deterimazzjoni dwar jekk l-ikel intużax għall-konsum mill-bniedem sa grad sinifikanti fl-Unjoni qabel il-15 ta’ Mejju 1997 għandha tissejjes fuq informazzjoni mogħtija mill-operaturi tan-negozju tal-ikel u, fejn ikun il-każ, sostnut minn informazzjoni oħra disponibbli fl-Istati Membri. Meta ma jkunx hemm informazzjoni disponibbli dwar il-konsum mill-bniedem qabel il-15 ta’ Mejju 1997, jew l-informazzjoni disponibbli ma tkunx biżżejjed, għandha tiġi stabbilita proċedura sempliċi u trasparenti li tinvolvi lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u kwalunkwe parti kkonċernata għall-ġbir ta’ dik l-informazzjoni.

(17)

Ikel ġdid għandu jitqiegħed fis-suq fl-Unjoni biss jekk huwa sikur u jekk ma jqarraqx lill-konsumatur. Barra minn hekk, meta l-ikel ġdid huwa maħsub biex jissostitwixxi ikel ieħor, huwa m'għandux ikun differenti minn dak l-ikel b'mod li jkun ta' żvantaġġ nutrittiv għall-konsumatur.

(18)

Huwa meħtieġ li tiġi applikata proċedura ċentralizzata armonizzata għall-valutazzjoni u l-awtorizzazzjoni ta’ sikurezza li hija effiċjenti, limitata fiż-żmien u trasparenti. Bl-għan li tkompli tarmonizza proċeduri differenti għall-awtorizzazzjoni ta' ikel, il-valutazzjoni tas- sikurezza ta’ ikel ġdid u l-inklużjoni tiegħu fil-lista tal-Unjoni għandhom jitwettqu skont il-proċedura stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għal addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (16), li għandha tkun applikabbli kulmeta ma jkunx hemm deroga minnha b'mod speċifiku b'dan ir-Regolament. Malli tiġi riċevuta applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta' prodott bħala ikel ġdid, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-validità u l-applikabilità tal-applikazzjoni. L-awtorizzazzjoni ta' ikel ġdid għandha tieħu kont ukoll ta' fatturi oħrajn rilevanti għall-kwistjoni li tkun qed tiġi kkunsidrata, inklużi fatturi etiċi, ambjentali, fatturi tat-trattament xieraq tal-annimali u l-prinċipju prekawzjonarju.

(19)

Għandhom jiġu stabbiliti wkoll kriterji għall-evalwazzjoni tar-riskji potenzjali ta’ ikel ġdid. Sabiex tkun żgurata il-valutazzjoni xjentifika armonizzata ta' ikel ġdid, tali valutazzjonijiet għandhom jitwettqu mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”).

(20)

Preżentement hemm informazzjoni inadegwata dwar ir-riskji assoċjati ma' nanomaterjali maħdumin. Sabiex tiġi vvalutata aħjar is-sigurtà tagħhom, il-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-Awtorità, għandha tiżviluppa metodoloġiji ta' test li jieħdu kont tal-karatteristiċi speċifiċi ta' nanomaterjali maħdumin.

(21)

Sabiex ikunu simplifikati l-proċeduri, l-applikanti għandhom jitħallew jippreżentaw applikazzjoni waħda għal ikel regolat taħt bosta liġijiet settorjali tal-ikel. Ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 għandu għalhekk jiġi emendat skont il-każ. B'konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona fl-1 ta' Diċembru 2009, l-Unjoni Ewropea ssostitwiet u ssuċċediet il-Komunità Ewropea u l-kelma “Komunità” għandha tiġi ssostitwita b' “Unjoni” f'dak ir-Regolament.

(22)

Jekk l-ikel tradizzjonali minn pajjiżi terzi jkun inkluż fil-lista ta' ikel tradizzjonali minn pajjiżi terzi, dan jista' jitqiegħed fis-suq fi ħdan l-Unjoni, taħt kondizzjonijiet li jikkorrispondu għal dawk li għalihom ikun intwera rekord ta' użu sikur bħala ikel. Fir-rigward tal-valutazzjoni u l-ġestjoni tas-sikurezza ta' ikel tradizzjonali minn pajjiżi terzi, għandu jitqies ir-rekord ta' użu sikur tiegħu bħala ikel fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu. Ir-rekord ta' użu sikur bħala ikel m'għandux jinkludi l-użu mhux għall-ikel jew użu mhux relatat ma' dieti normali.

(23)

Fejn ikun il-każ u abbażi tal-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tas-sikurezza, għandhom jiġu introdotti rekwiżiti għal monitoraġġ wara t-tqegħid fis-suq għall-użu ta’ ikel ġdid għall-konsum mill-bniedem.

(24)

L-inklużjoni ta’ ikel ġdid fil-lista tal-Unjoni ta' ikel ġdid jew fil-lista ta' ikel tradizzjonali minn pajjiżi terzi għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà tal-valutazzjoni tal-effetti tal-konsum ġenerali ta' sustanza li tiġi miżjuda, jew hija użata għall-manifattura ta' dak l-ikel, jew ta' prodott komparabbli skont ir-Regolament (KE) Nru 1925/2006.

(25)

F’ċirkostanzi speċifiċi, sabiex jiġu stimolati r-riċerka u l-iżvilupp fl-industrija agro-alimentari, u għalhekk l-innovazzjoni, l-evidenza xjentifika żviluppata reċentement u d-data protetta mid-dritt għall-proprjetà pprovduta biex issostni l-applikazzjoni għall-inklużjoni ta' ikel ġdid fil-lista tal-Unjoni għandhom ikunu protetti. Dik id-data u informazzjoni m’għandhomx jintużaw għall-benefiċċju ta’ applikant sussegwenti, matul perijodu ta’ żmien limitat, mingħajr ma jkun hemm ftehim mal-applikant preċedenti. Il-protezzjoni ta’ data xjentifika mogħtija minn applikant wieħed m'għandhiex twaqqaf lil applikanti oħrajn milli jfittxu l-inklużjoni fil-lista tal-Unjoni ta' ikel ġdid abbażi tad-data xjentifika tagħhom stess.

(26)

L-ikel ġdid huwa soġġett għall-ħtiġiet ġenerali ta’ tikkettjar stabbiliti fid-Direttiva 2000/13/KE (17) u, fejn meħtieġ, għall-ħtiġiet ta' tikkettjar nutrizzjonali stabbiliti fid-Direttiva 90/496/KEE (18). F’ċerti każijiet jista’ jkun meħtieġ li tkun prevista informazzjoni addizzjonali ta' tikkettjar, b'mod partikolari fir-rigward tad-deskrizzjoni tal-ikel, is-sorsi tiegħu, jew il-kondizzjonijiet tiegħu tal-użu. Għalhekk meta ikel ġdid jiġi inkluż fil-lista tal-Unjoni jew fil-lista ta' ikel tradizzjonali minn pajjiżi terzi, jistgħu jiġu imposti kondizzjonijiet speċifiċi tal-obbligi tal-użu u ta' tikketjar, li jistgħu, inter alia, ikunu relatati ma' kwalunkwe karatterisitika speċifika jew kwalità tal-ikel bħall-kompożizzjoni, il-valur nutrittiv jew l-effetti nutrittivi u l-użu intiż tal-ikel, jew ma' konsiderazzjonijiet jew implikazzjonijiet etiċi għas-saħħa ta' gruppi speċifiċi ta' popolazzjoni.

(27)

Ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 (19) jarmonizza d-dispożizzjonijiet fl-Istati Membri dwar pretensjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa. Għalhekk, pretensjonijiet dwar ikel ġdid għandhom isiru biss skont dak ir-Regolament.

(28)

Il-Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u t-Teknoloġiji l-Ġodda jista' jiġi kkonsultat, fejn xieraq, bl-għan li jinkisbu pariri dwar kwistjonijiet ta' etika fir-rigward tat-tqegħid fis-suq ta' ikel ġdid fi ħdan l-Unjoni.

(29)

Ikel ġdid mqiegħed fis-suq fl-Unjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 għandu jibqa’ jitqiegħed fis-suq. Ikel ġdid awtorizzat skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 għandu jiġi inkluż fil-lista tal-Unjoni ta’ ikel ġdid stabbilita b'dan ir-Regolament. Barra minn hekk, applikazzjonijiet ppreżentati skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 qabel id-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu trasformati f'applikazzjoni skont dan ir-Regolament meta r-rapport inizjali tal-valutazzjoni previst fir-Regolament (KE) Nru 258/97 ma jkunx għadu ntbagħat lill-Kummissjoni, kif ukoll fil-każijiet kollha fejn rapport addizzjonali tal-valutazzjoni hu meħtieġ skont dak ir-Regolament. Talbiet oħra pendenti ppreżentati taħt l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 258/97 qabel id-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu pproċessati skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 258/97.

(30)

Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 (20) jistabbilixxi regoli ġenerali għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali sabiex tkun ivverifikata l-konformità mal-liġi tal-ikel. L-Istati Membri għandhom jiġu mitluba jwettqu kontrolli uffiċjali skont dak ir-Regolament, sabiex jinfurzaw il-konformità ma' dan ir-Regolament.

(31)

Għandhom japplikaw ir-rekwiżiti fir-rigward tal-iġjene tal-ikel kif stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 852/2004 (21).

(32)

Peress li l-objettiv ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li jistabbilixxi regoli armonizzati għat-tqegħid ta’ ikel ġdid fis-suq fi ħdan l-Unjoni, ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri u jista' għalhekk jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb dak l-objettiv.

(33)

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(34)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati f'konformità mal-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (22).

(35)

B'mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tiċċara ċerti definizzjonijiet sabiex tiżgura implimentazzjoni armonizzata ta' dawn id-dispożizzjonijiet mill-Istati Membri fuq il-bażi ta' kriterji rilevanti, inkluża d-definizzjoni ta' “nanomaterjali maħdumin” b'kont meħud tal-iżviluppi tekniċi u xjentifiċi u t-teknika mhux tradizzjonali ta' tgħammir tal-annimali li tinkludi tekniki użati għar-riproduzzjoni asesswali ta' annimali ġenetikament identiċi li ma kinux użati għall-produzzjoni tal-ikel fl-Unjoni qabel il-15 ta' Mejju 1997. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta kwalunkwe miżura tranżitorja xierqa u li taġġorna l-lista ta' ikel tradizzjonali minn pajjiżi terzi u l-lista tal-Unjoni.

(36)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati f'konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-kriterji skont liema l-ikel jista' jiġi kkunsidrat li ntuża għal konsum mill-bniedem sa grad sinifikanti fl-Unjoni qabel il-15 ta' Mejju 1997. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni tikkonsulta mal-esperti matul il-fażi preparatorja f'konformità mal-impenn li ħadet il-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tad-9 ta’ Diċembru 2009 dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET INTRODUTTORJI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli armonizzati għat-tqegħid ta’ ikel ġdid fis-suq fl-Unjoni bil-għan li jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-interessi tal-konsumaturi, filwaqt li jkun żgurat il-funzjonament effettiv tas-suq intern, billi jitqies, fejn adatt, il-protezzjoni tal-ambjent u t-trattament xieraq tal-annimali.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għat-tqegħid ta' ikel ġdid fis-suq fi ħdan l-Unjoni.

2.   Dan ir-Regolament m'għandux japplika għal:

(a)

ikel fejn u sakemm dan jintuża bħala:

(i)

addittivi tal-ikel li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008;

(ii)

aromatizzanti tal-ikel li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008;

(iii)

solventi ta’ estrazzjoni użati fil-produzzjoni ta’ oġġetti tal-ikel u li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/32/KE;

(iv)

enżimi tal-ikel li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1332/2008;

(v)

vitamini u minerali li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni rispettiv tad-Direttiva 2002/46/KE, tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 jew tad-Direttiva 2009/39/KE, ħlief għall-vitamini u sustanzi minerali diġà awtorizzati, li jinkisbu permezz ta' metodi ta' produzzjoni jew bl-użu ta' sorsi ġodda li ma tqisux meta ġew awtorizzati skont leġislazzjoni speċifika, fejn dawn il-metodi ta' produzzjoni jew sorsi ġodda joħolqu bidliet sinifikanti msemmijin fil-punt (iii) tal-Artikolu 3 (2)(a) ta' dan ir-Regolament;

(b)

ikel li jaqa’ fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002.

2.   Il-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw ukoll:

(a)

“ikel ġdid” tfisser ikel, li ma ntużax għall-konsum mill-bniedem fi grad sinifikanti fl-Unjoni qabel il-15 ta’ Mejju 1997, inkluż:

(i)

ikel ta’ oriġini mill-annimali, meta teknika ta’ tgħammir mhux tradizzjonali li ma ntużatx għall-produzzjoni tal-ikel fl-Unjoni qabel il-15 ta’ Mejju 1997, tiġi applikata għall-annimal, u ikel derivat mill-frieħ ta' dawn l-annimali;

(ii)

ikel ta’ oriġini mill-pjanti, meta tiġi applikata teknika ta’ tgħammir mhux tradizzjonali għall-pjanta li ma ntużatx għall-produzzjoni tal-ikel fl-Unjoni qabel il-15 ta’ Mejju 1997, jekk dik it-teknika ta’ tgħammir mhux tradizzjonali applikata għall-pjanta toħloq bidliet sinifikanti fil-kompożizzjoni jew fl-istruttura tal-ikel, li jaffettwaw il-valur nutrittiv tiegħu, kif jiġi metabolizzat jew il-livell ta' sustanzi mhux mixtieqa tiegħu;

(iii)

ikel li għalih jiġi applikat proċess ta' produzzjoni ġdid, mhux użat fl-Unjoni qabel il-15 ta' Mejju 1997, jekk dak il-proċess ta’ produzzjoni jwassal għal bidliet sinifikanti fil-kompożizzjoni jew l-istruttura tal-ikel li jaffettwa il-valur nutrittiv tiegħu, kif jiġi metabolizzat jew il-livell ta’ sustanzi mhux mixtieqa tagħhom;

(iv)

ikel li fih jew jikkonsisti minn nanomaterjali maħdumin;

(v)

ikel tradizzjonali minn pajjiż terz; u

(vi)

ingredjenti tal-ikel użati esklussivament f'supplimenti tal-ikel fl-Unjoni qabel il-15 ta' Mejju 1997 jekk ikunu ser jintużaw f'ikel minbarra f'supplimenti tal-ikel. Madankollu, jekk ikel intuża esklussivament bħala suppliment tal-ikel jew f'suppliment tal-ikel qabel dik id-data, dan jista’ jitqiegħed fis-suq fl-Unjoni wara dik id-data għall-istess użu mingħajr ma jitqies bħala ikel ġdid;

(b)

“ferħ” tfisser annimal prodott permezz ta' teknika ta’ tgħammir tradizzjonali, fejn mill-inqas wieħed mill-ġenituri tiegħu hu annimal prodott permezz ta' teknika ta’ tgħammir mhux tradizzjonali;

(ċ)

“nanomaterjal maħdum” tfisser kwalunkwe materjal prodott intenzjonalment li għandu dimensjoni waħda jew aktar tal-ordni ta' 100 nm jew inqas jew li jkun magħmul minn partijiet funzjonali diskreti, jew internalment jew fil-wiċċ, li ħafna minnhom għandhom dimensjoni waħda jew aktar tal-ordni ta' 100 nm jew inqas, inklużi strutturi, agglomerati jew aggregati, li jistgħu jkollhom qies 'il fuq mill-ordni ta' 100 nm, iżda li jżommu l-kwalitajiet li huma karatteristiċi tan-nanoskala.

Kwalitajiet li huma karatteristiċi tan-nanoskala jinkludu:

(i)

dawk relatati mal-erja speċifika kbira tal-wiċċ tal-materjali kkunsidrati; u/jew

(ii)

karatteristiċi fiżiċi kimiċi speċifiċi li huma differenti minn dawk tal-forma mhux nano tal-istess materjal;

(d)

“ikel tradizzjonali minn pajjiż terz” tfisser ikel ġdid, minbarra l-ikel ġdid taħt is-sub-punti (i) sa (iv) tal-punt (a), li ġej minn produzzjoni primarja, b'rekord ta' użu bħala ikel fi kwalunkwe pajjiż terz, hekk li l-ikel ikkonċernat kien u għadu parti mid-dieta normali għal mill-inqas 25 sena fid-dieta tas-soltu ta’ parti kbira mill-popolazzjoni ta’ pajjiż;

(e)

“rekord ta' użu sikur bħala ikel f'pajjiż terz” tfisser li s-sikurezza tal-ikel ikkonċernat hija kkonfermata b’data ta’ kompożizzjoni u mill-esperjenza ta’ użu u użu kontinwu għal mill-inqas 25 sena fid-dieta normali ta’ parti kbira mill-popolazzjoni ta’ pajjiż;

3.   Il-Kummissjoni tista' tadotta kriterji ulterjuri sabiex tiċċara d-definizzjonijiet fis-sub-punti (i) sa (iv) tal-punt (a), u fil-punti (c), (d) u (e) tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu f'konformità mal-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 19(2).

Artikolu 4

Proċedura biex jiġi ddeterminat l-istatus ta' ikel ġdid

1.   L-operaturi tan-negozju tal-ikel għandhom jivverifikaw l-istatus tal-ikel li bi ħsiebhom iqegħdu fis-suq fl-Unjoni fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

2.   F'każ ta' dubju, l-operaturi tan-negozju tal-ikel għandhom jikkonsultaw l-awtorità kompetenti rilevanti għall-ikel ġdid kif iddefinita fl-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008 dwar l-istatus ta' l-ikel inkwistjoni. Fuq talba tal-awtorità kompetenti rilevanti, l-operatur tan-negozju tal-ikel għandu jippreżenta informazzjoni dwar sa liema punt l-ikel in kwistjoni ġie użat għall-konsum mill-bniedem fl-Unjoni qabel il-15 ta' Mejju 1997.

3.   Fejn meħtieġ, l-awtorità kompetenti tista' tikkonsulta awtoritajiet kompetenti oħrajn u lill-Kummissjoni dwar sa liema punt l-ikel intuża għall-konsum mill-bniedem fl-Unjoni qabel il-15 ta' Mejju 1997. It-tweġibiet għal kwalunkwe konsultazzjoni ta' din ix-xorta, għandhom ukoll jintbagħtu lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tqassar it-tweġibiet riċevuti u tikkomunika r-riżultat tal-konsultazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti kollha.

4.   Il-Kummissjoni tista' tadotta miżuri implimentattivi għall-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 19(2).

Artikolu 5

Deċiżjonijiet ta' interpretazzjoni

Fejn meħtieġ, jista' jiġi deċiż jekk tip ta' ikel jaqax fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 19(2).

KAPITOLU II

REKWIŻITI GĦAT-TQEGĦID FIS-SUQ TA' IKEL ĠDID FIS-SUQ FI ĦDAN L-UNJONI

Artikolu 6

Projbizzjoni ta' ikel ġdid mhux konformi

Ebda persuna m'għandha tqiegħed ikel ġdid fis-suq fl-Unjoni jekk ma jkunx konformi ma' dan ir-Regolament.

Artikolu 7

Listi ta' ikel ġdid

1.   Il-Kummissjoni għandha żżomm lista tal-Unjoni ta' ikel ġdid awtorizzat, minbarra l-ikel tradizzjonali minn pajjiżi terzi, (minn hawn 'il quddiem imsejħa “il-lista tal-Unjoni”), li għandha tiġi ppubblikata skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008.

2.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u żżomm lista ta' ikel tradizzjonali minn pajjiżi terzi awtorizzata skont l-Artikolu 11(5) ta' dan ir-Regolament, li għandha tiġi ppubblikata fis-serje C ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

3.   L-ikel ġdid biss, inkluż fil-lista tal-Unjoni jew fil-lista ta' ikel tradizzjonali minn pajjiżi terzi jista' jitqiegħed fis-suq fi ħdan l-Unjoni.

Artikolu 8

Kondizzjonijiet ġenerali għall-inklużjoni ta' ikel ġdid fil-listi

Ikel ġdid jista’ jiġi inkluż fil-listi rilevanti biss jekk jissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

abbażi tal-evidenza xjentifika disponibbli, ma jkunx ta' periklu għas-saħħa tal-konsumatur;

(b)

ma jiżgwidax lill-konsumatur;

(c)

jekk ikun maħsub sabiex jieħu post ikel ieħor, ma jkunx differenti minn dak l-ikel b'tali mod li l-konsum normali tiegħu ikun ta' żvantaġġ nutrittiv għall-konsumatur.

Artikolu 9

Kontenut tal-lista tal-Unjoni

1.   Il-lista tal-Unjoni għandha tiġi aġġornata skont il-proċedura stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 u, meta applikabbli, skont l-Artikolu 16 ta' dan ir-Regolament.

2.   L-entrata relattiva għal ikel ġdid fil-lista tal-Unjoni għandu jinkludi speċifikazzjoni tal-ikel, u fejn xieraq, jispeċifika l-kondizzjonijiet tal-użu, rekwiżiti speċifiċi ta' tikkettar addizzjonali biex jinforma lill-konsumatur aħħari u/jew rekwiżit ta’ sorveljanza wara t-tqegħid fis-suq u, fejn applikabbli, l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 16(4).

Artikolu 10

Kontenut tal-lista ta' ikel tradizzjonali minn pajjiżi terzi

1.   Il-lista ta' ikel tradizzjonali minn pajjiżi terzi għandha tiġi aġġornata skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 11.

2.   L-entrata relattiva għal ikel tradizzjonali minn pajjiżi terzi fil-lista ta' ikel tradizzjonali minn pajjiżi terzi għandu jinkludi speċifikazzjoni tal-ikel, u, fejn xieraq, jispeċifika l-kondizzjonijiet tal-użu u/jew ħtiġiet speċifiċi ta' tikkettar addizzjonali biex jinforma lill-konsumatur aħħari.

Artikolu 11

Proċedura sabiex jiġi inkluż ikel tradizzjonali minn pajjiż terz fil-lista

1.   B’deroga mill-proċedura stabbilita fl-Artikolu 9(1) ta' dan ir-Regolament, parti interessata imsemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, li tkun bi ħsiebha tqiegħed fis-suq fl-Unjoni ikel tradizzjonali minn pajjiż terz , għandha tippreżenta applikazzjoni lill-Kummissjoni.

L-applikazzjoni għandha tinkludi:

(a)

l-isem u d-deskrizzjoni tal-ikel,

(b)

il-kompożizzjoni tiegħu,

(c)

il-pajjiż tal-oriġini tiegħu,

(d)

data dokumentata li turi r-rekord ta' użu sikur bħala ikel fi kwalunkwe pajjiż terz,

(e)

fejn applikabbli, il-kondizzjonijiet tal-użu u r-rekwiżiti tat-tikkettjar speċifiċi,

(f)

sommarju tal-kontenut tal-applikazzjoni.

L-applikazzjoni għandha ssir skont ir-regoli implimentattivi msemmijin fil-paragrafu 7 ta' dan l-Artikolu.

2.   Il-Kummissjoni għandha tibgħat l-applikazzjoni valida imsemmija fil-paragrafu 1 mingħajr dewmien lill-Istati Membri u lill-Awtorità.

3.   Fi żmien sitt xhur minn meta tiġi riċevuta applikazzjoni, l-Awtorità għandha tagħti l-opinjoni tagħha. Kull meta l-Awtorità tfittex informazzjoni supplimentari mill-parti interessata, hija għandha, tistabbilixxi perijodu li fih din l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta, wara li tikkonsulta mal-parti interessata. Il-limitu ta' żmien ta' sitt xhur għandu jkun awtomatikament estiż b'dan il-perijodu addizzjonali. L-Awtorità għandha tagħmel l-informazzjoni supplimentari disponibbli għall-Istati Membri u l-Kummissjoni.

4.   Sabiex tħejji l-opinjoni tagħha, l-Awtorità għandha tivverifika li:

(a)

r-rekord ta' użu sikur bħala ikel fi kwalunkwe pajjiż terz huwa sostanzjat mill-kwalità ta' data ppreżentata mill-parti interessata; u

(b)

il-kompożizzjoni tal-ikel u, fejn applikabbli, l-kondizzjonijiet tal-użu tiegħu, ma joħolqux riskju għas-saħħa lill-konsumaturi fl-Unjoni.

L-Awtorità għandha tibgħat l-opinjoni tagħha lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-parti interessata.

5.   Fi żmien tliet xhur wara li l-Awtorità tkun tat l-opinjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha, f'konformità mal-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 19(2), taġġorna l-lista ta' ikel tradizzjonali minn pajjiżi terzi, filwaqt li tikkunsidra l-opinjoni tal-Awtorità, kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti tal-liġi tal-Unjoni u kwalunkwe fattur leġittimu ieħor rilevanti għall-kwistjoni taħt konsiderazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-parti interessata b'dan. Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li ma taġġornax il-lista tal-ikel tradizzjonali minn pajjiżi terzi, hija għandha tinforma lill-parti interessata u lill-Istati Membri b'dan, filwaqt li tindika r-raġunijiet għaliex ma kkunsidratx l-aġġornament iġġustifikat.

6.   Fi kwalunkwe stadju tal-proċedura l-parti interessata tista' tirtira l-applikazzjoni tagħha.

7.   Sa … (23), il-Kummissjoni għandha tadotta regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 19(2).

Artikolu 12

Gwida teknika

Mingħajr preġudizzju għall-miżuri ta' implimentazzjoni adottati taħt il-punt (a) tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008 u sa … (23), il-Kummissjoni għandha, fejn adatt, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Awtorità u wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati, tagħmel disponibbli gwida teknika u għodod biex jassistu lill-partijiet interessati waqt il-preparazzjoni u l-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet skont dan ir-Regolament; b'mod partikolari, operaturi ta' negozju tal-ikel, speċjalment intrapriżi żgħar u ta' daqs medju.

Artikolu 13

Opinjoni tal-Awtorità

Fil-valutazzjoni tas-sikurezza ta’ ikel ġdid, fejn ikun adatt, l-Awtorità għandha b'mod partikolari:

(a)

tikkunsidra jekk l-ikel huwiex sikur daqs ikel minn kategorija ta’ ikel komparabbli li diġà teżisti fis-suq fl-Unjoni jew daqs l-ikel li hemm il-ħsieb li jiġi sostitwit bl-ikel ġdid;

(b)

tieħu kont tar-rekord ta' użu sikur bħala ikel.

Artikolu 14

Obbligi speċjali għall-operaturi ta' negozju tal-ikel

1.   Il-Kummissjoni tista’, għal raġunijiet ta’ sikurezza tal-ikel u wara l-opinjoni tal-Awtorità, timponi rekwiżit għal sorveljanza wara t-tqegħid fis-suq. L-operatur tan-negozju tal-ikel li jqiegħed l-ikel fis-suq fl-Unjoni għandu jkun responsabbli għat-twettiq tar-rekwiżiti ta' wara t-tqegħid fis-suq speċifikati fid-dħul tal-ikel ikkonċernat fil-lista tal-Unjoni ta' ikel ġdid.

2.   Il-produttur għandu minnufih jinforma lill-Kummissjoni bi:

(a)

kwalunkwe informazzjoni xjentifika jew teknika ġdida li tista' tinfluwenza l-evalwazzjoni tas-sikurezza fl-użu tal-ikel ġdid;

(b)

kwalunkwe projbizzjoni jew restrizzjoni imposta mill-awtorità kompetenti ta’ kwalunkwe pajjiż terz li fih l-ikel ġdid jitqiegħed fis-suq.

Artikolu 15

Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u t-Teknoloġiji ġodda

Il-Kummissjoni, fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq talba ta' Stat Membru, tista' tikkonsulta mal-Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u t-Teknoloġiji ġodda, bil-ħsieb li tikseb l-opinjoni tiegħu fuq kwistjonijiet etiċi marbuta max-xjenza u teknoloġiji ġodda ta' importanza etika maġġuri.

Il-Kummissjoni għandha tagħmel din l-opinjoni disponibbli għall-pubbliku.

Artikolu 16

Proċedura ta' awtorizzazzjoni f'każijiet ta' protezzjoni tad-data

1.   Fuq talba mill-applikant, appoġġata minn informazzjoni adatta u verifikabbli inkluża fid-dossier tal-applikazzjoni, evidenza xjentifika u/jew data xjentifika żviluppata reċentement li jappoġġaw l-applikazzjonijiet, ma jistgħux jintużaw għall-benefiċċju ta' applikazzjoni oħra matul il-perijodu ta' ħames snin mid-data tal-inklużjoni tal-ikel ġdid fil-lista tal-Unjoni mingħajr il-qbil tal-applikant preċedenti. Din il-protezzjoni għandha tingħata fejn:

(a)

evidenza xjentifika u/jew data xjentifika żviluppata reċentement ġiet indikata bħala proprjetarja mill-applikant fil-ħin meta saret l-ewwel applikazzjoni (data xjentifika miżmuma bi proprjetà);

(b)

l-applikant preċedenti kellu d-dritt esklussiv ta' referenza għad-data xjentifika proprjetarja fil-ħin meta saret l-ewwel applikazzjoni; u

(c)

l-ikel ġdid ma setax jiġi awtorizzat mingħajr il-preżentazzjoni tad-data xjentifika proprjetarja mill-applikant preċedenti.

Madanakollu, applikant preċedenti jista' jiftiehem ma' applikant sussegwenti li tali data u informazzjoni tista' tintuża.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiddetermina, f'konsultazzjoni mal-applikant, liema informazzjoni għandha tingħata l-protezzjoni msemmija fil-paragrafu 1 u għandha tinforma lill-applikant, lill-Awtorità u lill-Istati Membri bid-deċiżjoni tagħha.

3.   B'deroga mill-Artikolu 7(5) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, l-aġġornar tal-lista tal-Unjoni b’ikel ġdid, minbarra ikel tradizzjonali minn pajjiżi terzi, għandu jiġi deċiż skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 19(2) ta' dan ir-Regolament f’każijiet fejn data xjentifika miżmuma bi proprjeta' tkun protetta skont dan l-Artikolu. F'dan il-każ, l-awtorizzazzjoni għandha tingħata għall-perijodu speċifikat fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

4.   Fil-każijiet imsemmija fil- paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, l-entrata ta’ ikel ġdid fil-lista tal-Unjoni għandu jindika, barra l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 9(2) ta' dan ir-Regolament:

(a)

id-data tad-dħul tal-ikel ġdid fil-lista tal-Unjoni;

(b)

il-fatt li l-entrata hija bbażata fuq evidenza xjentifika protetta mid-dritt għall-u/jew data xjentifika proprjetarja żviluppata reċentement f'konformità ma' dan l-Artikolu;

(c)

l-isem u l-indirizz tal-applikant;

(d)

il-fatt li l-ikel ġdid huwa awtorizzat għat-tqegħid fis-suq fl-Unjoni mill-applikant speċifikat biss fil-punt (c), sakemm applikant sussegwenti ma jiksibx l-awtorizzazzjoni għall-ikel mingħajr referenza għal dik id-data xjentifika miżmuma bi proprjeta' indikata bħala tali mill-applikant preċedenti.

5.   Qabel l-iskadenza tal-perijodu msemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha taġġorna l-lista tal-Unjoni f'konformità mal-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 19(2) sabiex, dment li l-ikel awtorizzat jissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament, l-indikazzjonijiet speċifiċi msemmija fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu ma jibqgħux inklużi.

Artikolu 17

Informazzjoni għall-pubbliku

Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli għall-pubbliku:

(a)

il-lista tal-Unjoni imsemmija fl-Artikolu 7(1) u l-lista ta' ikel tradizzjonali minn pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 7(2), fuq paġna unika dedikata tal-websajt tal-Kummissjoni;

(b)

is-sommarji tal-applikazzjonijiet ppreżentati skont dan ir-Regolament;

(c)

is-sejbiet tal-konsultazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(3).

Il-Kummissjoni tista' tadotta il-miżuri implimentattivi għal dan l-Artikolu, inklużi l-arranġamenti biex isir pubbliku l-eżitu tal-konsultazzjonijiet taħt il-punt (c) tal-ewwel paragrafu ta' dan l-Artikolu, skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 19(2).

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 18

Penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dawn id-dispożizzjonijiet sa … (24) u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien bi kwalunkwe emenda sussegwenti li tkun taffettwahom.

Artikolu 19

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, stabbilit mill-Artikolu 58 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta’ tliet xhur.

Artikolu 20

Atti delegati

Għall-fini li jinkisbu l-objettivi ta' dan ir-Regolament stabbiliti fl-Artikolu 1, Il-Kummissjoni għandha tadotta, sa mhux aktar tard minn … (24), kriterji ulterjuri għall-valutazzjoni ta' jekk l-ikel ikunx intuża għal konsum mill-bniedem fi grad sinifikanti fl-Unjoni qabel il-15 ta’ Mejju 1997, kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 3(2), permezz ta' atti delegati f'konformità mal-Artikolu 21 u soġġetti għall-kondizzjonijiet tal-Artikoli 22 u 23.

Artikolu 21

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni tal-atti delegati msemmija fl-Artikolu 20 għandhom jingħataw lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar is-setgħat delegati mhux iktar tard minn sitt xhur wara t-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin. Id-delegazzjoni ta’ setgħa tiġġedded awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jirrevokawha skont l-Artikolu 22.

2.   Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

3.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati huma mogħtija lill-Kummissjoni bil-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 22 u 23.

Artikolu 22

Revoka tad-delega

1.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 20 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe żmien mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.

2.   L-istituzzjoni li tkun bdiet proċedura interna sabiex jiġi deċiż jekk tirrevokax id-delega ta’ setgħa għandha tinforma lill-istituzzjoni l-oħra u lill-Kummissjoni mhux iktar tard minn xahar qabel ma tieħu d-deċiżjoni finali, billi tindika s-setgħat delegati li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ revoka u r-raġunijiet għal revoka.

3.   Id-deċiżjoni ta’ revoka għandha ġġib fi tmiemha d-delega tas-setgħat speċifikati f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva minnufih jew f’data ulterjuri stipulata fiha. Hija ma taffettwax il-validità tal-atti delegati li jkunu diġà fis-seħħ. Hija għandha tiġi ppubblikata f'll-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 23

Oġġezzjonijiet għal atti delegati

1.   Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għall-att delegat fi żmien tliet xhur mid-data tan-notifika.

2.   Jekk, meta jiskadi dak il-perijodu, la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu oġġezzjonaw għall-att delegat, jew jekk, qabel dik id-data, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu, it-tnejn li huma, infurmaw lill-Kummissjoni dwar id-deċiżjoni tagħhom li ma joġġezzjonawx, l-att delegat għandu jidħol fis-seħħ fid-data fih stabbilita.

3.   Jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għall-att delegat, dan tal-aħħar ma għandux jidħol fis-seħħ. L-istituzzjoni li toġġezzjona għandha tagħti r-raġunijiet għall-oġġezzjoni kontra l-att delegat.

Artikolu 24

Reviżjoni

1.   Sa … (25). Sa … u fid-dawl tal-esperjenza miksuba, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament u b'mod partikolari tal-Artikoli 3, 11 u 16, akkumpanjat, fejn xieraq, minn kwalunkwe proposta leġiżlattiva.

2.   Sa … (26), il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-aspetti kollha tal-ikel prodott mill-annimali miksuba permezz tal-użu ta' teknika ta' kklonjar u mill-frieħ tagħhom, segwit, fejn adatt, minn kwalunkwe proposta leġiżlattiva.

3.   Ir-rapport u kwalunkwe proposta għandhom ikunu aċċessibbli għall-pubbliku.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI U FINALI

Artikolu 25

Tħassir

Ir-Regolament (KE) Nru 258/97 u r-Regolament (KE) Nru 1852/2001 għandhom jitħassru b'effett mill-… (27), ħlief fir-rigward ta' dawk it-talbiet pendenti regolati mill-Artikolu 27 ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 26

Stabbiliment tal-lista tal-Unjoni

Mhux aktar tard minn … (27) il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-lista tal-Unjoni billi ddaħħal ikel ġdid awtorizzat u/jew notifikat skont l-Artikoli 4, 5 u 7 tar-Regolament (KE) Nru 258/97 fil-lista tal-Unjoni, inkluża kwalunkwe kondizzjoni ta’ awtorizzazzjoni eżistenti, kif adatt.

Artikolu 27

Miżuri tranżitorji

1.   Kwalunkwe talba għat-tqegħid fis-suq ta' ikel ġdid fl-Unjoni ippreżentata lil Stat Membru skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 258/97 qabel … (27) għandha tiġi ttrasformata f'applikazzjoni skont dan ir-Regolament jekk rapport inizjali ta' valutazzjoni previst skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 258/97 ma jkunx għadu ntbagħat lill-Kummissjoni, u fil-każijiet fejn ir-rapport addizzjonali ta' valutazzjoni hu meħtieġ skont l-Artikolu 6(3) jew (4) tar-Regolament (KE) Nru 258/97.

Talbiet oħra pendenti ppreżentati skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 258/97 qabel … (27) għandhom jiġu pproċessati skont id-dispożizzjonijiet ta' dak ir-Regolament.

2.   Il-Kummissjoni tista', f'konformità mal-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 19(2), tadotta miżuri tranżitorji xierqa għall-applikazzjoni tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 28

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 1331/2008

Ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 huwa b'dan emendat kif ġej:

(1)

It-titolu huwa sostitwit b'dan li ġej:

(2)

Fl-Artikolu 1, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi proċedura komuni għall-valutazzjoni u l-awtorizzazzjoni (minn hawn 'il quddiem imsejħa il-‘proċedura komuni’) tal-addittivi tal-ikel, tal-enzimi tal-ikel, tal-aromatizzanti tal-ikel u ta’ materjali sorsi ta’ aromatizzanti tal-ikel u ta’ ingredjenti tal-ikel li għandhom il-kwalitajiet ta’ aromatizzanti użati jew maħsuba biex jintużaw fl-ikel jew fuq l-ikel (minn hawn 'il quddiem imsejħa ‘s-sustanzi jew il-prodotti’), liema proċedura tikkontribwixxi għall-moviment liberu tal-ikel fl-Unjoni u għal livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u għal livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, inkluż il-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi. Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal aromatizzanti tal-affumikazzjoni fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2065/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Novembru 2003 dwar l-aromatizzanti tal-affumikazzjoni użati jew maħsuba biex jintużaw fi jew fuq l-ikel (28).

2.   Il-proċedura komuni għandha tistabbilixxi l-arranġamenti proċedurali għall-aġġornar tal-listi ta' sustanzi u prodotti li tqegħid fis-suq tagħhom fl-Unjoni hu awtorizzat skont Ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008, ir-Regolament (KE) Nru 1332/2008, ir-Regolament (KE) Nru 1334/2008 u r-Regolament (UE) Nru …/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' … dwar ikel ġdid (29) (minn hawn 'il quddiem imsejħa “il-liġijiet settorjali dwar l-ikel”).

(3)

Fl-Artikolu 1(3), l-Artikolu 2 (1) u (2), l-Artikolu 9(2), l-Artikolu 12(1) u l-Artikolu 13 il-kliem “sustanza” u “sustanzi” huma sostitwiti b' “sustanza jew prodott” jew “sustanzi jew prodotti” kif ikun xieraq.

(4)

It-titolu tal-Artikolu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Lista tal-Unjoni ta' sustanzi jew prodotti”.

(5)

Il-paragrafu li ġej huwa miżjud mal-Artikolu 4:

“3.   Applikazzjoni waħda dwar sustanza jew prodott tista’ ssir sabiex ikunu aġġornati l-listi tal-Unjoni differenti regolati taħt il-liġijiet settorjali differenti tal-ikel dment li l-applikazzjoni tkun konformi mar-rekwiżiti ta' kull waħda mill-liġijiet settorjali tal-ikel.”.

(6)

Is-sentenza li ġejja hija inserita fil-bidu tal-Artikolu 6(1):

“Fil-każ ta’ raġunijiet xjentifiċi rigward tħassib dwar is-sikurezza, għandha tiġi identifikata u mitluba mill-applikant, informazzjoni addizzjonali dwar il-valutazzjoni tar-riskju.”.

(7)

Fl-Artikolu 7, il-paragrafi 4, 5 u 6 huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“4.   Il-miżuri, imfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' kull liġi settorjali dwar l-ikel bl-eċċezzjoni tal-ikel ġdid, relatati mat-tneħħija ta' sustanza mil-lista tal-Unjoni, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 14(3).

5.   Minħabba raġunijiet ta' effiċjenza, il-miżuri mfassla sabiex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' kull liġi settorjali dwar l-ikel bl-eċċezzjoni tal-ikel ġdid, fost l-oħrajn billi jissuplimentawha, rigward iż-żieda ta' sustanza fil-lista tal-Unjoni u ż-żieda, it-tneħħija jew it-tibdil ta' kondizzjonijiet, speċifikazzjonijiet jew restrizzjonijiet li huma marbuta mal-preżenza ta’ sustanza fuq il-lista tal-Unjoni, għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 14(4).

6.   Bl-eċċezzjoni tal-ikel ġdid u minħabba raġunijiet importanti ta' urġenza, il-Kummissjoni tista' tuża l-proċedura ta' urġenza msemmija fl-Artikolu 14(5) għat-tneħħija ta' sustanza mil-lista tal-Unjoni u għaż-żieda, it-tneħħija jew it-tibdil ta' kondizzjonijiet, speċifikazzjonijiet jew restrizzjonijiet assoċjati mal-preżenza ta' sustanza fil-lista tal-Unjoni.

7.   Il-miżuri relatati mat-tneħħija, iż-żieda ta' prodott kopert mir-Regolament dwar l-ikel ġdid għal-lista tal-Unjoni u/jew iż-żieda, it-tneħħija jew it-tibdil ta' kondizzjonijiet, speċifikazzjonijiet jew restrizzjonijiet li huma assoċjati mal-preżenza ta’ dan il-prodott fil-lista tal-Unjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 14(2).”.

(8)

It-terminu “Komunità” għandu jiġi sostitwit b' “Unjoni”.

Artikolu 29

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu għandu japplika minn … (30).

Madankollu, l-Artikoli 26, 27 u 28 għandhom japplikaw minn … (31). Barra minn hekk, b'deroga mit-tieni paragrafgu ta' dan l-Artikolu u b'deroga mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, l-applikazzjonijiet jistgħu jsiru skont dan ir-Regolament minn (31) għall-awtorizzazzjoni ta' ikel imsemmi fil-punt (iv) tal-Artikolu 3(2)(a) ta' dan ir-Regolament, fejn tali ikel ikun diġà fis-suq ħdan l-Unjoni f'dik id-data.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi, …

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU C 224, 30.8.2008, p. 81.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Marzu 2009 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari ta'… (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta'… (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU L 43, 14.2.1997, p. 1.

(4)  ĠU L 253, 21.9.2001, p. 17.

(5)  ĠU L 253, 16.9.1997, p. 1.

(6)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(7)  Id-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Ġunju 2002 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar is-supplimenti tal-ikel (ĠU L 183, 12.7.2002, p. 51).

(8)  ĠU L 311, 28.11.2001, p. 67.

(9)  Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.)

(10)  Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16).

(11)  Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar aromatizzanti u ċerti ingredjenti tal-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti għall-użu fl-ikel u fuq l-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 34).

(12)  Regolament (KE) Nru 1332/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-enżimi tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 7).

(13)  Direttiva 2009/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward is-solventi tal-estrazzjoni użati fil-produzzjoni tal-oġġetti tal-ikel u l-ingredjenti tal-ikel (tfassil mill-ġdid) (ĠU L 141, 6.6.2009, p. 3)

(14)  ĠU L 404, 30.12.2006, p. 26.

(15)  ĠU L 124, 20.5.2009, p. 21.

(16)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1.

(17)  Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Marzu 2000 fuq l-approssimazzjoni ta’ liġijiet tal-Istati Membri relatati ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u reklamar ta’ oġġetti tal-ikel (ĠU L 109, 6.5.2000, p. 29).

(18)  Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE tal-24 ta' Settembru 1990 dwar l-ittikkettjar tan-nutrizzjoni għall-oġġetti tal-ikel (ĠU L 276, 6.10.1990, p. 40).

(19)  Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9.)

(20)  Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u tal-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar it-trattament xieraq tal-annimali (ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1).

(21)  Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel (ĠU L 139, 30.4.2004, p.1).

(22)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(23)  ĠU: jekk jogħġbok daħħal id-data: sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

(24)  ĠU: Jekk jogħġbok daħħal id-data: 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

(25)  ĠU: Jekk jogħġbok daħħal id-data: 5 snin wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

(26)  ĠU: Jekk jogħġbok daħħal id-data: sena wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

(27)  ĠU: Jekk jogħġbok daħħal id-data: 24 xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

(28)  ĠU L 309, 26.11.2003, p. 1.

(29)  ĠU L …”.

(30)  ĠU: Jekk jogħġbok daħħal id-data: 24 xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

(31)  ĠU: jekk jogħġbok daħħal id-data: id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.


DIKJARAZZJONI TAR-RAĠUNIJIET TAL-KUNSILL

I.   INTRODUZZJONI

Fil-15 ta’ Jannar 2008, il-Kummissjoni ppreżentat proposta (1) għal Regolament dwar ikel ġdid u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tas-16 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel, u l-aromatizzanti tal-ikel. Il-proposta ġiet ibbażata fuq l-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Filwaqt li aġixxa skont l-Artikolu 251 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, il-Parlament Ewropew adotta l-Opinjoni tiegħu fl-ewwel qari fil-25 ta’ Marzu 2009 (2).

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali adotta l-opinjoni tiegħu fid-29 ta’ Mejju 2008 (3).

Skont l-Artikolu 294(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari b'unanimità fil-15 ta’ Marzu 2010.

II.   OBJETTIV TAR-REGOLAMENT PROPOST

Il-Kummissjoni diġà ħabbret fil-White Paper dwar is-Sikurezza tal-Ikel adottata fit-12 ta’ Jannar 2000 (4) l-intenzjonijiet tagħha li teżamina l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni dwar l-ikel il-ġdid u tagħmel l-aġġustamenti meħtieġa għar-Regolament eżistenti (KE) Nru 258/97 dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti tal-ikel il-ġdid.

Il-proposta timmira li taġġorna u tikkjarifika l-qafas regolatorju għall-awtorizzazzjoni u t-tqegħid fis-suq ta' ikel ġdid, filwaqt li tiżgura s-sikurezza tal-ikel, il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-interessi tal-konsumatur u l-funzjonament effettiv tas-suq intern. Hija tirrevoka r-Regolament attwali (KE) Nru 258/97 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001.

Il-proposta żżomm id-data tal-15 ta’ Mejju 1997 bħala d-data ta' limitu għad-determinazzjoni tan-novità tal-ikel u tikkjarifika li d-definizzjonijiet tal-ikel il-ġdid jinkludu ikel li fuqu jiġu applikati teknoloġiji ġodda jew ikel li joriġina minn pjanti jew annimali li fuqhom jiġu applikati tekniki ta' tgħammir mhux tradizzjonali.

Il-Kummissjoni pproponiet li t-tqegħid fis-suq ta' ikel ġdid ikun soġġett għal proċedura ċentralizzata fil-livell Komunitarju skont ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 li jistabbilixxi proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni li tissostitwixxi s-sistema attwali tal-valutazzjoni tar-riskju mill-awtoritajiet nazzjonali. Il-valutazzjoni tar-riskju għandha titwettaq mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà tal-Ikel (EFSA). L-inklużjoni ta’ ikel ġdid fil-lista Komunitarja ta’ ikel ġdid għandha titqies mill-Kummissjoni abbażi tal-opinjoni tal-EFSA. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali (SCFCAH). Id-deċiżjoni finali biex tiġi aġġornata l-lista ta' ikel ġdid għandha tittieħed mill-Kummissjoni permezz tal-komitoloġija bi proċedura ta' skrutinju.

L-awtorizzazzjoni marbuta mal-applikant għandha tinbidel u l-proċedura simplifikata għandha titneħħa permezz ta' deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni indirizzati lill-Komunità bħala regola ġenerali. Il-protezzjoni tad-data tista’ tingħata f’każi ġġustifikati fir-rigward ta’ evidenza xjentifika żviluppata riċentament u data proprjetarja sabiex tkun appoġġjata l-innovazzjoni fl-industrija agro-alimentari.

Il-proposta tintroduċi d-definizzjoni ta' “ikel tradizzjonali minn pajjiż terz”, bħala kategorija ta' ikel ġdid li għandu jkun soġġett għal notifika jekk ma jiġux ippreżentati oġġezzjonijiet raġonevoli ta' sigurtà mill-EFSA jew l-Istati Membri.

Ikel ġdid diġà awtorizzat għandu jibqa' jitqiegħed fis-suq u jiġi inkluż fil-lista Komunitarja ta' ikel ġdid.

III.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI TAL-KUNSILL

1.    Rimarki ta' introduzzjoni

Il-pożizzjoni tal-Kunsill tirrifletti r-riżultat tal-eżami tal-proposta tal-Kummissjoni mill-Kunsill. Il-Kunsill introduċa diversi tibdiliet fit-test, xi wħud minnhom ispirati mill-emendi proposti mill-Parlament Ewropew.

Il-Kummissjoni aċċettat it-tibdil kollu introdott mill-Kunsill għall-proposta tagħha, minbarra l-introduzzjoni tad-definizzjoni tal-frieħ ta' annimali kklonati fl-Artikolu 3(2)(b) u l-inklużjoni tal-frieħ fl-Artikolu 3(2)(a)(i).

2.    L-emendi tal-Parlament Ewropew

Fil-votazzjoni plenarja tiegħu fil-25 ta’ Marzu 2009, il-Parlament Ewropew adotta 76 emenda għall-proposta (5). Fil-pożizzjoni komuni tiegħu, il-Kunsill inkorpora 30 emenda, li minnhom 20 bis-sħiħ (emendi 7, 15, 16, 20, 35, 41, 42, 44, 45, 53, 63, 65, 67, 68, 69, 76, 77, 88, 89, 93), 5 parzjalment (emendi 1, 30, 40, 91, 92) u 5 fil-prinċipju (emendi 3, 6, 11, 25, 64).

2.1.   Il-modifiki prinċipali introdotti mill-Kunsill fil-proposta, b'referenza għall-emendi tal-PE  (6)

(a)

Objettivi tar-Regolament (Artikolu 1 u premessi 1 u 2) - il-Kunsill żied il-protezzjoni tal-ambjent u t-trattament xieraq tal-annimali. Dan ikopri parzjalment l-emendi 1 u 30 u jirrifletti l-ispirtu tal-emenda 3.

(b)

Ambitu (Artikolu 2(2)(a)(v) u premessi 13 u 14) - il-Kunsill jikkjarifika li, sakemm isiru l-emendi rispettivi għar-Regolament (KE) 1925/2006, id-Direttiva 2002/46/KE u d-Direttiva 89/398/KEE, dawk il-vitamini u l-minerali miksubin minn sorsi ġodda jew li jużaw proċess ta' produzzjoni, li ma ġewx ikkunsidrati meta saret l-awtorizzazzjoni tagħhom u li jwasslu għal tibdil sinifikanti fil-kompożizzjoni jew l-istruttura tal-ikel li jaffetwa l-valur nutrittiv tiegħu, il-metaboliżmu jew il-livell ta' sustanzi mhux mixtieqin, għandhom jaqgħu fl-ambitu tar-Regolament dwar l-ikel il-ġdid. Dan huwa konformi mal-ewwel parti tal-emenda 91.

(c)

Definizzjoni ta' ikel ġdid (Artikolu 3 u premessi 6, 8, 10, 11) - il-kriterju bażiku għall-valutazzjoni tan-novità tal-ikel jibqa' dwar jekk intużax għall-konsum mill-bniedem sa grad sinifikanti fl-Unjoni qabel il-15 ta’ Mejju 1997. Sabiex jipprovdi ċarezza legali, il-Kunsill qabel li, qabel id-data ta' applikazzjoni tar-Regolament, għandhom jiġu żviluppati kriterji ulterjuri għall-valutazzjoni tal-konsum mill-bniedem sa ċertu grad fl-Unjoni qabel il-15 ta’ Mejju 1997. L-adozzjoni ta' dawn il-kriterji ġiet iddelegata lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 290 TFUE. Dan kien marbut mal-posponiment tad-data ta' applikazzjoni sa 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ.

Sabiex tkun żgurata kjarifika aħjar, saru l-bidliet li ġejjin fid-definizzjoni:

saret distinzjoni bejn l-ikel li joriġina mill-annimali u l-ikel li joriġina mill-pjanti. L-ikel li joriġina mill-pjanti jaqa' fl-ambitu ta' dan ir-Regolament biss jekk it-teknika ta' tgħammir mhux tradizzjonali li tiġi applikata lill-pjanta twassal għal tibdil sinifikanti fil-kompożizzjoni jew l-istruttura tal-ikel;

żdiedet id-definizzjoni ta' “frieħ” u “nanomaterjali maħdumin” (ara wkoll punti d) u e) hawn taħt);

l-ingredjenti użati f'supplimenti tal-ikel qabel il-15 ta’ Mejju 1997 jaqgħu taħt id-definizzjoni, u konsegwentement jeħtieġu awtorizzazzjoni, biss jekk ikunu ser jintużaw f'ikel ieħor minbarra f'supplimenti tal-ikel;

id-definizzjoni ta' “ikel tradizzjonali minn pajjiż terz” tkopri ikel li jiġi biss minn produzzjoni primarja u li għalih l-istorja tal-użu ta' ikel sikur ġiet ipprovata fi kwalunkwe pajjiż terz għal perijodu kontinwu ta' 25 sena fid-dieta normali ta’ parti kbira tal-popolazzjoni;

ġie nnotat li l-livell ta' armonizzazzjoni għal prodotti mediċinali jagħmilha possibbli li Stat Membru jista', jekk huwa jistabbilixxi skont id-Direttiva 2001/83/KE li sustanza hija prodott mediċinali, jirrestrinġi t-tqegħid fis-suq ta' tali prodott skont il-liġi tal-Unjoni, anke jekk l-istess prodott ikun ġie awtorizzat bħala ikel ġdid taħt dan ir-Regolament.

Il-Kunsill qabel ukoll li l-Kummissjoni tista', permezz tal-proċedura ta' kumitat regolatorja, tadotta aktar kriterji biex jiġu kkjarifikati d-definizzjonijiet fis-subpunti (i) sa (iv) tal-punt (a) u l-punti (c), (d) u (e) tal-Artikolu 3(2) sabiex tkun żgurata l-implimentazzjoni armonjuża tagħhom mill-Istati Membri.

Dawn it-tibdiliet ikopru l-emendi 15, 16, 35, 63 u l-parti l-kbira tal-emenda 92.

(d)

Ikel prodott minn annimali miksubin b'tekniki ta' tgħammir mhux tradizzjonali u l-frieħ tagħhom (Artikolu 3(2)(a)(i) u premessi 6 u 7) - il-Kunsill qabel li ikel prodott minn annimali miksubin b'tekniki ta' tgħammir mhux tradizzjonali (eż. ikklonar) u l-frieħ tagħhom għandu jaqa' fl-ambitu tar-Regolament. Fl-istess ħin, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li dan ir-Regolament ma jistax jittratta b'mod adegwat l-aspetti kollha tal-ikklonar u li l-Kummissjoni għandha tistudja s-suġġett aktar. Għal dan l-għan, fi żmien sena mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-aspetti kollha tal-produzzjoni ta' ikel minn annimali kklonati u l-frieħ tagħhom, segwit, fejn adatt, minn proposta leġislattiva (Artikolu 20(2)). Dan huwa konformi mal-emenda 93. Il-Kunsill qies li l-ikel prodott minn annimali kklonati meħtieġ jinżamm fl-ambitu tar-Regolament propost sakemm tiġi proposta mill-Kummissjoni u tiġi adottata kwalunkwe leġislazzjoni speċifika. Din is-soluzzjoni tevita l-lakuna legali li jinħoloq bl-esklużjoni ta' tali ikel mir-Regolament kif propost mill-Parlament Ewropew fin-nuqqas ta' kwalunkwe leġislazzjoni li tirregola l-produzzjoni ta' ikel minn annimali kklonati.

(e)

Nanomaterjali - il-Kunsill għaraf il-ħtieġa għal evalwazzjoni sistematika tas-sikurezza u awtorizzazzjoni ta' ikel li fih jew li jikkonsisti minn nanomaterjali maħdumin irrispettivament minn kwalunkwe tibdil li n-nanomaterjali jistgħu jikkawżaw fil-propertajiet ta' tali ikel. Għalhekk, il-Kunsill ikkjarifika li tali ikel jitqies bħala ġdid (Artikolu 3(2)(a)(iv)) u żied id-definizzjoni ta' “nanomaterjali maħdumin” (Artikolu 3(2)(c)). Il-Kunsill b'hekk neħħa d-distakk li seta' jinħoloq jekk l-użu tan-nanoteknoloġiji jwassal għal tibdil sinifikanti fil-kompożizzjoni jew l-istruttura tal-ikel kif definit fl-Artikolu 3(2)(a)(iii), iżda l-ikel xorta jkun fih nanomaterjali maħdumin. Il-premessa 9 tenfasizza l-ħtieġa għal definizzjoni maqbula internazzjonalment ta' nanomaterjal. Jekk definizzjoni differenti tinqabel fil-livell internazzjonali, l-adozzjoni tad-definizzjoni f'dan ir-Regolament issir permezz tal-proċedura leġislattiva ordinarja. Il-Kummissjoni esprimiet ir-riżerva tagħha meta argumentat li din l-adozzjoni kellha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 290 TFUE. Il-Kunsill b'hekk aċċetta parti mill-emenda 92.

Il-Kunsill segwa l-prinċipju tal-emendi 6 u 11 dwar il-ħtieġa li jkun hemm metodi adatti għall-valutazzjoni tar-riskju għal nanomaterjali maħdumin, li huwa rifless fil-premessa 20.

(f)

Determinazzjoni tal-istatus tal-ikel (Artikolu 4 u premessa 16) - il-Kunsill qabel li d-determinazzjoni tal-istatus tal-ikel li għandu jitqiegħed fis-suq tal-Unjoni fir-rigward tad-definizzjoni ta' ikel ġdid, tkun fir-responsabbiltà tal-operaturi fil-kummerċ tal-ikel, li għandhom jikkonsultaw mal-awtorità nazzjonali tagħhom f'każ ta' dubju.

(g)

Awtorizzazzjoni ta' ikel ġdid (Artikolu 9 u premessa 18) - il-Kunsill qabel li l-awtorizzazzjoni ta' ikel ġdid għandha titwettaq skont ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008, dment li mhemmx dispożizzjoni għal deroga speċifika fir-Regolament preżenti. Il-Kunsill ikkjarifika li fl-awtorizzazzjoni ta' ikel ġdid, għandhom jiġu kkunsidrati fatturi etiċi, ambjentali, fatturi tal-benesseri tal-annimali u l-prinċipju ta' prekawzjoni. Dawn il-fatturi għandhom jitqiesu abbażi ta' każ b'każ skont il-kontenut tal-applikazzjoni. Dan ikopri l-emenda 20.

(h)

Awtorizzazzjoni ta' ikel tradizzjonali minn pajjiżi terzi (Artikolu 11 u premessa 22) - il-Kunsill ma aċċettax il-“proċedura ta' notifika” kif proposta mill-Kummissjoni. Sabiex tiġi żgurata s-sikurezza tal-ikel, kull awtorizzazzjoni għandha tkun ibbażata fuq l-opinjoni tal-EFSA u l-awtorizzazzjoni sussegwenti tkun adottata mill-Kummissjoni permezz tal-proċedura ta' kumitat regolatorja. L-evalwazzjoni tal-EFSA għandha tiffoka primarjament fuq l-evidenza ta' użu sikur tal-ikel u l-informazzjoni dwar il-kompożizzjoni ta' ikel tradizzjonali. Sabiex il-proċedura titħaffef, għandhom jiġu applikati skadenzi iqsar - 6 xhur għall-opinjoni tal-EFSA u 3 xhur għall-abbozz ta' miżura ppreżentat mill-Kummissjoni lill-SCFCAH. Għandha tiġi stabbilita lista separata ta' ikel tradizzjonali minn pajjiżi terzi awtorizzati (Artikolu 7(2)). Madankollu l-approċċ il-ġdid tal-Kunsill ikopri l-emendi 65 u 68.

(i)

Gwida teknika (Artikolu 12) - qabel id-data ta' applikazzjoni tar-Regolament (jiġifieri sentejn wara id-data tad-dħul fis-seħħ tagħha), il-Kummissjoni għandha tipprovdi gwida u għodod tekniċi għall-partijiet interessati, b'mod partikolari l-operaturi fil-kummerċ tal-ikel u l-SMEs. Huwa ovvju li r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 97/618/KE ser tkun applikabbli sakemm jiġi rrevokat ir-Regolament (KE) 258/1997. Dan huwa konformi mal-emenda 69.

(j)

Il-Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u t-Teknoloġiji l-Ġodda - EGE (Artikolu 15 u premessa 28) - żdiedet dispożizzjoni addizzjonali dwar il-possibbiltà li l-Kummissjoni tikkonsulta mal-EGE, fuq inizjattiva tagħha jew fuq talba ta' Stat Membru, dwar kwistjonijiet etiċi rigward ikel ġdid. Dan jikkorrispondi mal-emenda 76. Jekk jiġi kkonsultat, l-opinjoni tiegħu ser tiġi kkunsidrata fl-istadju tal-ġestjoni tar-riskju.

(k)

Protezzjoni tad-data (Artikolu 16 u premessa 25) - sabiex tiġi promossa l-innovazzjoni fl-industrija, ġiet aċċettata mill-Kunsill, il-ħtieġa għall-protezzjoni ta' evidenza xjentifika ġdida u/jew data xjentifika proprjetarja għall-perijodu ta' 5 snin. Tali data protetta ma tistax tintuża għall-benefiċċju ta' applikazzjoni oħra mingħajr il-qbil tal-applikant ta' qabel u l-awtorizzazzjoni hija limitata għall-applikant ta' qabel matul il-perijodu ta' 5 snin dment li l-applikant sussegwenti ma jiksibx awtorizzazzjoni mingħajr referenza għal dik id-data proprjetarja. Dan ikopri bis-sħiħ l-emenda 77. Għalkemm l-emenda 25 ma ġietx aċċettata kif inhi, l-essenza tagħha hija koperta bl-Artikolu 16.

(l)

Informazzjoni għall-pubbliku (Artikolu 17) - is-sommarji tal-applikazzjonijiet, ir-riżultati ta' kwalunkwe konsultazzjoni għad-determinazzjoni tal-istatus tal-ikel u l-listi ta' ikel ġdid awtorizzat għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku, fil-każ ta' dan tal-aħħar fuq is-sit elettroniku unikua ddedikat għal dan. Dan huwa konformi mal-emendi 41, 53 u 67, parti mill-emenda 40 u jkopri fil-prinċipju l-emenda 64.

(m)

Miżuri transitorji (Artikolu 23 u premessa 29) – applikazzjoni pendenti ppreżentata skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 258/97 għandha tiġi pproċessata skont dak ir-Regolament biss jekk ir-rapport tal-valutazzjoni inizjali jkun ipprovdut skont l-Artikolu 6(3) u la kienet meħtieġa valutazzjoni addizzjonali, u lanqas ma tressqet kwalunkwe oġġezzjoni mill-Istati Membri. Dan huwa konformi mal-emendi 88 u 89.

Minbarra l-emendi msemmijin hawn fuq, il-pożizzjoni komuni tinkorpora l-emendi 7, 42, 44, 45, li huma ta' natura teknika/editorjali u jimmiraw li jagħmlu t-test aktar ċar.

Minħabba d-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill kellu jadotta l-proċedura regolatorja bi skrutinju relatata mad-dispożizzjonijiet tal-proposta tal-Kummissjoni għat-TFUE. Il-Kunsill qabel li d-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom jikkonferixxu setgħat implimentattivi fuq il-Kummissjoni (Artikolu 291(2) TFUE):

Artikolu 3(4): l-adozzjoni ta' aktar kriterji biex jiġu kkjarifikati d-definizzjonijiet fis-subpunti (i) sa (iv) tal-punt (a) u l-punti (c), (d) u (e) tal-Artikolu 3(2) li jistgħu jiġu adottati;

Artikolu 11(5): l-aġġornament tal-lista ta' ikel tradizzjonali minn pajjiżi terzi;

Artikolu 16(5): l-aġġornament tal-lista tal-Unjoni fil-każ tal-protezzjoni tad-data qabel l-iskadenza tal-perijodu ta' 5 snin għall-protezzjoni tad-data;

Artikolu 27(2): il-miżuri transizzjonali għall-applikazzjoni tal-Artikolu 27(1) li jistgħu jiġu adottati;

Artikolu 9: l-aġġornament tal-lista tal-Unjoni ta' ikel ġdid. Ir-Regolament (KE) 1331/2008 ikun jeħtieġ li jiġi emendat għal-dik il-fini (ara l-Artikolu 28 tal-pożizzjoni tal-Kunsill).

Kif diġà ssemma fil-punt c) hawn fuq, il-Kunsill qabel li l-adozzjoni tal-kriterji biex jiġi vvalutat jekk l-ikel intużax għall-konsum mill-bniedem sa grad sinifikanti fl-Unjoni qabel il-15 ta’ Mejju 1997 sad-data ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament (jiġifieri 24 xahar wara d-dħul fis-seħħ) għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 290 TFUE.

2.2.   L-emendi tal-Parlament Ewropew li ma ġewx aċċettati

Il-Kunsill ma aċċettax 46 emenda elenkati għar-raġunijiet li ġejjin:

(i)

Emenda 2: il-livell għoli tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-interessi tal-konsumatur rigward l-ikel u l-funzjonament effettiv tas-suq intern, huma żewġ għanijiet prinċipali tal-liġi tal-Unjoni dwar l-oġġetti tal-ikel (Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002). Dawn iż-żewġ aspetti huma koperti fil-premessi 1 u 2.

(ii)

Emenda 9: kif spjegat fil-punt c) hawn fuq, il-kriterju bażiku għall-valutazzjoni tan-novità tal-ikel jibqa' l-użu tiegħu għall-konsum mill-bniedem sa grad sinifikanti fl-Unjoni qabel il-15 ta’ Mejju 1997. L-istruttura molekulari primarja mmodifikata, il-mikro-organiżmi, il-fungi, l-alka, it-tipi ġodda ta' mikro-organiżmi u l-konċentrati ta' sustanzi għadhom jaqgħu taħt din id-definizzjoni u ma jeħtiġux jiġu elenkati separatament

(iii)

Emenda 22: L-EFSA tikkoopera mal-Istati Membri meta tħejji l-opinjonijiet tagħha u tista' tagħmel użu minn netwerk kif previst mill-Artikolu 36 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2230/2004.

(iv)

Testijiet fuq annimali (emendi 21, 87) - il-kwistjoni tat-testijiet fuq annimali, b'mod partikolari l-evitar ta' testijiet fuq annimali vertebrati u l-kondiviżjoni tar-riżultati tat-testijiet, ma jaqgħux taħt l-ambitu ta' dan ir-Regolament. Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008 (Proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni), l-EFSA għandha tippreżenta proposta rigward id-data meħtieġa għall-valutazzjoni tar-riskju ta' ikel ġdid u dawn għandhom jirrikonoxxu l-ħtieġa li jiġu evitati testijiet mhux neċessarji fuq annimali.

(v)

Projbizzjoni tal-produzzjoni ta' ikel, it-tqegħid fis-suq u l-importazzjonijiet ta' annimali kklonati u l-frieħ tagħhom (emendi 5, 10, 12, 14, 91 (punt 2(ba)), 92 (punt 2(a)(ii) u 2(ca)), 51 (it-tieni parti) - il-Kunsill ma jistax jaqbel mal-esklużjoni immedjata ta' ikel miksub minn annimali kklonati u l-frieħ tagħhom mill-ambitu tar-Regolament (ara l-punt d) hawn fuq). Għandu jiġi wkoll innotat li l-Kummissjoni għandha dritt għal inizjattiva biex tipproponi leġislazzjoni tal-UE u ma tistax tkun obbligata tagħmel proposta leġislattiva permezz ta' att leġislattiv.

(vi)

Nanomaterjali

(a)

emenda 13: ma taqax fl-ambitu tar-Regolament dwar ikel ġdid; japplika r-Regolament (KE) 1935/2004 dwar materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f'kuntatt mal-ikel.

(b)

emenda 90: it-tikkettar speċifiku u sistematiku ta' ingredjenti fil-forma ta' nanomaterjali huwa eċċessiv; meħtieġ li jiġu kkunsidrati ħtiġiet ta' tikkettar speċifiċi abbażi ta' każ b'każ skont l-Artikolu 9(2).

(c)

emenda 50: f'każ ta' dubju rigward is-sikurezza tal-ikel li fih nanomaterjali għandu japplika l-prinċipju ta' prekawzjoni. Barra minn hekk, id-data ta' applikazzjoni tar-Regolament ittawlet għal 24 xahar, b'hekk tħalla żmien addizzjonali għall-iżvilupp ta' metodi għall-valutazzjoni tar-riskju għal nanomaterjali maħdumin.

(vii)

Determinazzjoni tal-istatus tal-ikel (emenda 18 u parti mill-emenda 40): l-emendi mhumiex kompatibbli mal-approċċ maqbul mill-Kunsill (ara l-punt d) hawn fuq).

(viii)

Kriterji addizzjonali għall-valutazzjoni tar-riskju mill-EFSA

(d)

emenda 70: referenza għall-Artikolu 6 (Artikolu 8 fil-Pożizzjoni Komuni) mhix adatta billi hija tikkonċerna kondizzjonijiet li għandhom jitqiesu fl-istadju tal-ġestjoni tar-riskju, mhux tal-valutazzjoni tar-riskju mwettqa mill-EFSA.

(e)

emenda 71: tinterferixxi mal-proċeduri interni tal-EFSA; meta tivvaluta s-sikurezza tal-ikel, l-EFSA tista' tqis ukoll aspetti oħrajn ta' effetti ta' ħsara jew tossiċi fuq is-saħħa tal-bniedem.

(f)

emenda 74: ma tappartjenix għall-istadju tal-valutazzjoni tar-riskju; l-opinjoni tal-Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u t-Teknoloġiji l-Ġodda (EGE) tista' tinkiseb fuq talba ta' Stat Membru u mbagħad tiġi kkunsidrata fl-istadju tal-ġestjoni tar-riskju.

(ix)

Kondizzjonijiet addizzjonali għall-awtorizzazzjoni ta' ikel ġdid (ġestjoni tar-riskju)

(g)

emenda 23: l-aspetti etiċi jistgħu jitqiesu fl-istadju tal-ġestjoni tar-riskju; il-valutazzjoni mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) mhix applikabbli.

(h)

emenda 43: mhix meħtieġa, l-aspetti koperti minn din l-emenda jiġu kkunsidrati mill-EFSA fl-istadju tal-valutazzjoni tar-riskju.

(i)

emenda 47: mhux applikabbli; la hija meħtieġa u lanqas possibbli li tintalab l-opinjoni tal-EEA għal kull applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta' ikel ġdid.

(j)

emenda 48: l-opinjoni tal-EGE ma tistax tintalab għal kull applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta' ikel ġdid. Jekk tintalab kif previst fl-Artikolu 15, hija ser tiġi kkunsidrata fl-istadju tal-ġestjoni tar-riskju.

(k)

emenda 49: l-aspetti koperti minn din l-emenda jiġu kkunsidrati mill-EFSA fl-istadju tal-valutazzjoni tar-riskju u jistgħu jkunu koperti bil-kondizzjonijiet tal-użu u l-ħtiġiet addizzjonali ta' tikkettar speċifiku skont l-Artikolu 9(2).

(x)

Prinċipju ta' prekawzjoni (emendi 1(it-tieni parti), 19, 52) - il-prinċipju ta' prekawzjoni stabbilit fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 huwa applikabbli dejjem. Hemm referenza għal dan il-prinċipju fil-premessa 18. Għalhekk, mhux meħtieġ li jiġi ripetut fi premessi oħrajn u bħala kondizzjoni addizzjonali għall-awtorizzazzjonijiet.

(xi)

Speċifikazzjonijiet addizzjonali għad-dħul ta' ikel ġdid fil-lista tal-Unjoni:

(l)

emenda 54: il-punti kollha mressqin huma diġà koperti bir-Regolament, minbarra l-punt (f), li mhux ċar minħabba li l-ħtiġiet u l-ispezzjonijiet ta' monitoraġġ, skont ir-Regolament Nru 882/2004 dwar il-kontrolli uffiċjali, huma żewġ kwistjonijiet differenti.

(m)

emenda 57: skont l-Artikolu 9(2), il-preżenza ta' sustanzi mhux mixtieqin f'ikel ġdid hija diġà kkontrollata minn speċifikazzjonijiet tal-ikel u l-limitazzjoni ta' esponiment għal sustanzi preżenti f'ikel ġdid ser tiġi koperta taħt “kondizzjonijiet tal-użu” u tista' tiġi introdotta wara l-opinjoni tal-EFSA.

(xii)

Monitoraġġ ta' wara t-tqegħid fis-suq (emendi 55 u 75) - il-monitoraġġ sistematiku ta' wara t-tqegħid fis-suq u r-reviżjoni tal-awtorizzazzjonijiet wara ħames snin għall-ikel il-ġdid kollu mqiegħed fis-suq huma sproporzjonati. Dan ipoġġi piż amministrattiv fuq l-operaturi fil-kummerċ tal-ikel u l-awtoritajiet tal-Istati Membri. L-Artikolu 14 jipprevedi l-possibbiltà li jiġi impost monitoraġġ ta' wara t-tqegħid fis-suq abbażi ta' każ b'każ. Il-produtturi huma obbligati jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe informazzjoni xjentifika jew teknika ġdida li tista' tinfluwenza l-evalwazzjoni tas-sikurezza fl-użu ta' ikel ġdid diġà mqiegħed fis-suq tal-Unjoni.

(xiii)

Tikkettar ta' ikel ġdid (emendi 60 u 62) - it-tikkettar sistematiku tal-ikel il-ġdid kollu (emenda 62) huwa sproporzjonat u joħloq piż amministrattiv. Ħtiġiet speċifiċi ta' tikkettar huma possibbli skont l-Artikolu 9(2). It-tikkettar ta' prodotti minn annimali mitmugħin għalf modifikat ġenetikament (emenda 60) ma jaqax fl-ambitu ta' dan ir-Regolament (ir-Regolament (KE) 1829/2003 huwa eskluż b'mod ċar).

(xiv)

Ikel tradizzjonali minn pajjiżi terzi (emendi 28, 64 u 66): il-Kunsill qabel dwar proċedura differenti għall-awtorizzazzjoni ta' dan l-ikel minn dik proposta mill-Kummissjoni (ara l-punt h) hawn fuq).

(xv)

Konsultazzjoni tal-EGE (emenda 29): il-formulazzjoni tal-Kunsill tal-premessa 28 tikkorrespondi aħjar mal-kontenut tal-Artikolu 15 dwar il-konsultazzjonijiet tal-EGE (ara l-punt j) hawn fuq).

(xvi)

Allinjament ta' skadenzi għall-awtorizzazzjoni ta' pretensjoni tas-saħħa u ikel ġdid fil-każ tal-protezzjoni tad-data (emendi 27, 80) - tali allinjament jista' jkun mixtieq, iżda jkun diffiċli li jiġi żgurat fil-prattika billi l-evalwazzjonijiet jipproċedu skont l-iskedi ta' żmien differenti u ż-żewġ deċiżjonijiet jittieħdu separatament.

(xvii)

Emenda 61: l-aġġornamenti tal-lista tal-Unjoni fil-każ tal-protezzjoni tad-data għandhom jiġu deċiżi skont il-proċedura regolatorja billi dawn huma awtorizzazzjonijiet individwali u mhux miżuri ta' ambitu ġenerali.

(xviii)

Emendi 56 u 91 (subparagrafu (2a)): l-awtorizzazzjoni ta' addittivi tal-ikel, enżimi tal-ikel u ħwawar tal-ikel, lil lilhom jiġi applikat proċess ġdid ta' produzzjoni, li jwassal għal tibdil sinifikanti, hija diġà koperta bil-leġislazzjoni settorjali dwar l-addittivi (Art. 12 u Premessa 11 tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008), l-enżimi (Art. 14 u Premessa 12 tar-Regolament (KE) Nru 1332/2008) u l-ħwawar (Art. 19 tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008). Il-proċedura komuni għal awtorizzazzjoni tapplika għal tali awtorizzazzjonijiet.

(xix)

Emenda 78: il-Kunsill ma kkunsidrax il-kwistjoni ta' proġetti ta' riċerka ffinanzjati mill-UE u/jew sorsi pubbliċi.

(xx)

Emenda 81: ir-Regolament (KE) 882/2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel (inkluż ir-Regolament dwar ikel ġdid) huwa applikabbli u mhux meħtieġ jiġi ripetut.

xxi)

Emenda 82: il-Kunsill qabel li jipposponi d-data ta' applikazzjoni tar-Regolament sa 24 xahar wara d-data tal-pubblikazzjoni tiegħu. L-istess skadenza ngħatat lill-Istati Membri biex jinnotifikaw dispożizzjonijiet rigward penali.

(xxii)

Emenda 83: Mhix meħtieġa; dupplikazzjoni ta' dispożizzjonijiet applikabbli skont l-Artikoli 53 u 54 tar-Regolament 178/2002.

Il-Kunsill ma aċċettax l-emendi 8 u 85 għax mhumiex ċari u l-emendi 4, 17, 51 (l-ewwel parti), li l-kontenut tagħhom huwa ovvju u m'għandhom l-ebda valur miżjud.

IV.   KONKLUŻJONIJIET

Il-Kunsill jemmen li l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari tirrappreżenta bilanċ ta' tħassib u interessi li jirrispetta l-objettivi tar-Regolament. Huwa jistenna b'interess id-diskussjonijiet kostruttivi mal-Parlament Ewropew bil-ħsieb tal-adozzjoni mingħajr dewmien tar-Regolament, li jiżgura livell għoli ta' protezzjoni għas-saħħa tal-bniedem u tal-konsumatur.


(1)  5431/08.

(2)  7990/09.

(3)  ĠU C 224, 30.8.2008, p. 81.

(4)  5761/00, COM(1999) 719 finali

(5)  7990/09 (P6_TA(2009)0171)

(6)  In-numerazzjoni tal-premessi u tal-Artikoli tirreferi għat-test tal-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari.