ISSN 1725-5198

doi:10.3000/17255198.C_2010.115.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 115

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 53
4 ta' Mejju 2010


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

IV   Avviżi

 

AVVIŻI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kunsill Ewropew

2010/C 115/01

Il-Programm ta’ Stokkolma – Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini

1

MT

 


IV Avviżi

AVVIŻI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kunsill Ewropew

4.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 115/1


IL-PROGRAMM TA’ STOKKOLMA – EWROPA MIFTUĦA U SIGURA GĦAS-SERVIZZ U L-PROTEZZJONI TAĊ-ĊITTADINI

2010/C 115/01

WERREJ

1.

LEJN EWROPA TAĊ-ĊITTADINI FL-ISPAZJU TA' LIBERTÀ, SIGURTÀ U ĠUSTIZZJA

1.1.

Prijoritajiet politiċi

1.2.

L-għodod

1.2.1.

Fiduċja reċiproka

1.2.2.

Implimentazzjoni

1.2.3.

Leġislazzjoni

1.2.4.

Aktar koerenza

1.2.5.

Evalwazzjoni

1.2.6.

Taħriġ

1.2.7.

Komunikazzjoni

1.2.8.

Dialogu mas-soċjetà ċivili

1.2.9.

Finanzjament

1.2.10.

Pjan ta' Azzjoni

1.2.11.

Reviżjoni tal-Programm ta' Stokkolma

2.

PROMOZZJONI TAD-DRITTIJIET TAĊ-ĊITTADINI: EWROPA TAD-DRITTIJIET

2.1.

Ewropa mibnija fuq id-drittijiet fundamentali

2.2.

Eżerċizzju sħiħ tad-dritt għal-libertà ta' moviment

2.3.

Ngħixu flimkien fi spazju li jirrispetta d-diversità u li jipproteġi lil dawk l-aktar vulnerabbli

2.3.1.

Razziżmu u ksenofobija

2.3.2.

Drittijiet tat-tfal

2.3.3.

Gruppi vulnerabbli

2.3.4.

Vittmi tal-kriminalità, inkluż it-terroriżmu

2.4.

Drittijiet tal-individwu fi proċedimenti kriminali

2.5.

Protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini fis-soċjetà tal-informazzjoni

2.6.

Parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika tal-Unjoni

2.7.

Dritt għal protezzjoni f'pajjiżi mhux Stati Membri

3.

FAĊILITAR TA' ĦAJJET IN-NIES: EWROPA TA' LIĠI U ĠUSTIZZJA

3.1.

Implimentazzjoni ulterjuri tar-rikonoxximent reċiproku

3.1.1.

Liġi kriminali

3.1.2.

Liġi ċivili

3.2.

Tisħiħ ta' fiduċja reċiproka

3.2.1.

Taħriġ

3.2.2.

Żvilupp ta' netwerks

3.2.3.

Evalwazzjoni

3.2.4.

Titjib tal-għodod

3.2.5.

Detenzjoni

3.2.6.

Detenzjoni

3.3.

Żvilupp ta' bażi ta' regoli minimi komuni

3.3.1.

Liġi kriminali

3.3.2.

Liġi ċivili

3.4.

Benefiċċji għaċ-ċittadini ta’ spazju ġudizzjarju Ewropew

3.4.1.

Faċilitar tal-aċċess għall-ġustizzja

3.4.2.

Appoġġ għall-attività ekonomika

3.5.

Tisħiħ tal-preżenza internazzjonali tal-Unjoni fil-qasam legali

3.5.1.

Liġi ċivili

3.5.2.

Liġi kriminali

4.

EWROPA LI TIPPROTEĠI

4.1.

Strateġija tas-Sigurtà Interna

4.2.

Titjib tal-għodod għall-ħidma

4.2.1.

Ħolqien ta’ kultura komuni

4.2.2.

Ġestjoni tal-fluss ta' informazzjoni

4.2.3.

Mobilizzazzjoni tal-għodod tekonoloġiċi meħtieġa

4.3.

Linji ta' politika effettivi

4.3.1.

Koperazzjoni Ewropea aktar effettiva għall-infurzar tal-liġi

4.3.2.

Prevenzjoni aktar effettiva tal-kriminalità

4.3.3.

Statistika

4.4.

Protezzjoni kontra l-kriminalità serja u organizzata

4.4.1.

Il-ġlieda kontra l-kriminalità serja u organizzata

4.4.2.

Traffikar tal-bnedmin 46

4.4.3.

Sfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija

4.4.4.

Ċiberkriminalità

4.4.5.

Kriminalità ekonomika u korruzzjoni

4.4.6.

Drogi

4.5.

Terroriżmu

4.6.

L-Immaniġġar, komprensiv u effikaċi, mill-Unjoni tad-Diżastri: it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-Unjoni għall-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons ta' kull tip ta' diżastru

5.

AĊĊESS GĦALL-EWROPA F'DINJA GLOBALIZZATA

5.1.

Ġestjoni integrata tal-fruntieri esterni

5.2.

Politika dwar il-viżi

6.

EWROPA TA' RESPONSABBILTÀ, SOLIDARJETÀ U SĦUBIJA F'MATERJI TA' MIGRAZZJONI U ASIL

6.1.

Politika dinamika u komprensiva dwar il-migrazzjoni

6.1.1.

Konsolidazzjoni, żvilupp u implimentazzjoni tal-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni

6.1.2.

Migrazzjoni u żvilupp

6.1.3.

Politika miftiehma f'konformità mar-rekwiżiti nazzjonali tas-suq tax-xogħol

6.1.4.

Linji ta' politika proattivi għall-migranti u d-drittijiet tagħhom

6.1.5.

Integrazzjoni

6.1.6.

Linji ta' politika effettivi għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali

6.1.7.

Minuri mhux akkumpanjati

6.2.

Asil: spazju komuni ta' protezzjoni u solidarjetà

6.2.1.

Spazju komuni ta' protezzjoni

6.2.2.

Kondiviżjoni tar-responsabbiltajiet u solidarjetà bejn l-Istati Membri

6.2.3.

Id-dimensjoni esterna tal-asil

7.

L-EWROPA F'DINJA GLOBALIZZATA - ID-DIMENSJONI ESTERNA TAL-LIBERTA, IS-SIGURTÀ U L-ĠUSTIZZJA

7.1.

Dimensjoni esterna msaħħa

7.2.

Drittijiet tal-bniedem

7.3.

Prijoritajiet tematiċi kontinwati b'għodod ġodda

7.4.

Ftehimiet ma' pajjiżi terzi

7.5.

Prijoritajiet ġeografiċi u organizzazzjonijiet internazzjonali

7.6.

Organizzazzjonijiet internazzjonali u promozzjoni ta' standards Ewropej u internazzjonali

LISTA TA’ ABBREVJAZZJONIJIET

1.   LEJN EWROPA TAĊ-ĊITTADINI FL-ISPAZJU TA' LIBERTÀ, SIGURTÀ U ĠUSTIZZJA

Il-Kunsill Ewropew jafferma mill-ġdid il-prijorità li jagħti lill-iżvilupp ta' spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, li tirrispondi għal tħassib ċentrali tal-popli tal-Istati miġburin flimkien fl-Unjoni.

Filwaqt li bnejna fuq il-kisbiet tal-Programmi ta' Tampere u tal-Aja, s'issa nkiseb progress sinifikattiv f'dan il-qasam. Il-kontrolli fuq il-fruntieri interni tneħħew fiż-żona Schengen u l-fruntieri esterni tal-Unjoni issa qed jiġu ġestiti b'mod aktar koerenti. Matul l-iżvilupp tal-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni, id-dimensjoni esterna tal-politika tal-Unjoni dwar il-migrazzjoni tiffoka fuq djalogu u sħubiji ma' pajjiżi terzi, abbażi ta' interessi reċiproċi. Ittieħdu passi sinifikattivi lejn il-ħolqien ta' Sistema Ewropea tal-Asil. Aġenziji Ewropej bħall-Europol, l-Eurojust, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali u l-Frontex laħqu maturità operazzjonali fl-oqsma ta' attività rispettivi tagħhom. Il-koperazzjoni f’materji ċivili qed tiffaċilita l-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini u l-koperazzjoni fl-infurzar tal-liġi qed tagħti sigurtà msaħħa.

Minkejja dawn il-kisbiet importanti u oħrajn fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, l-Ewropa għadha qed tiffaċċja sfidi. Dawn l-isfidi għandhom jiġu indirizzati b'mod komprensiv. Għalhekk jinħtieġu sforzi ulterjuri sabiex tittejjeb il-koerenza bejn l-oqsma ta' politika. Barra minn hekk, għandha tiġi intensifikata l-koperazzjoni ma' pajjiżi sħab.

Għalhekk wasal iż-żmien għal aġenda ġdida sabiex l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jkunu jistgħu jibnu fuq il-kisbiet u jiffaċċjaw sfidi futuri. Għal dan l-għan, il-Kunsill Ewropew adotta dan il-programm pluriennali ġdid li ser ikun magħruf bħala l-Programm ta' Stokkolma, għall-perijodu 2010-2014.

Il-Kunsill Ewropea jilqa' r-rwol dejjem akbar li l-Parlament Ewropew u l-Parlamenti Nazzjonali ser ikollhom b'segwitu għad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona (1). Iċ-ċittadini u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi ser ikollhom opportunità akbar li jgħarrfu u jiskambjaw pubblikament il-fehmiet tagħhom fl-oqsma kollha ta' azzjoni tal-Unjoni f'konformità mal-Artikolu 11 tat-TUE. Dan ser isaħħaħ in-natura miftuħa u demokratika tal-Unjoni għall-benefiċċju tal-popli tagħha.

It-Trattat jiffaċilita l-proċess tal-ilħuq tal-miri deskritti f'dan il-programm, kemm għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni kif ukoll għall-Istati Membri. Huwa kkonfermat ir-rwol tal-Kummissjoni fit-tħejjija tal-inizjattivi, kif ukoll id-dritt għal grupp ta' mill-inqas seba' Stati Membri li jippreżentaw proposti leġislattivi. Il-proċess leġislattiv huwa mtejjeb permezz tal-użu, fil-maġġoranza tas-setturi, tal-proċedura ta' kodeċiżjoni, b'hekk jingħata involviment sħiħ lill-Parlament Ewropew. Il-Parlamenti Nazzjonali ser ikollhom rwol dejjem akbar fil-progress leġislattiv. Billi jissaħħaħ ukoll ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja, ser ittejjeb il-kapaċità Ewropea li timplimenta bis-sħiħ il-politika f'dan il-qasam u li tiżgura l-konsistenza tal-interpretazzjoni.

L-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jużaw l-opportunitajiet kollha offruti mit-Trattat ta' Lisbona biex isaħħaħ l-ispazju Ewropew ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għall-benefiċċju taċ-ċittadini tal-Unjoni.

Dan il-programm jiddefinixxi linji gwida strateġiċi għall-ippjanar leġislattiv u operattiv fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja f'konformità mal-Artikolu 68 tat-TFUE.

1.1.   Prijoritajiet politiċi

Il-Kunsill Ewropew iqis li prijorità għas-snin li ġejjin ser tkun li wieħed jiffoka fuq l-interessi u l-ħtiġijiet taċ-ċittadini. L-isfida ser tkun biex jiġi żgurat rispett għal-libertajiet fundamentali u l-integrità filwaqt li tiġi garantita sigurtà fl-Ewropa. Huwa tal-akbar importanza li l-miżuri għall-infurzar tal-liġi u l-miżuri għas-salvagwardja tad-drittijiet individwali, l-istat tad-dritt u r-regoli ta' protezzjoni internazzjonali jimxu id f'id fl-istess direzzjoni u jissaħħu reċiprokament.

L-azzjonijiet kollha meħuda fil-ġejjieni għandhom jiffokaw fuq iċ-ċittadin tal-Unjoni u persuni oħra li l-Unjoni hija responsabbli għalihom. Fis-snin li ġejjin, l-Unjoni għandha taħdem lejn il-prijoritajiet ewlenin li ġejjin:

Il-promozzjoni taċ-ċittadinanza u d-drittijiet fundamentali: Iċ-ċittadinanza Ewropea għandha ssir realtà tanġibbli. L-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għandu fuq kollox ikun spazju uniku fejn id-drittijiet fundamentali jkunu protetti. It-tkabbir taż-żona ta' Schengen għandu jkompli. Ir-rispett għall-persuna umana u d-dinjità tal-bniedem u għad-drittijiet l-oħra stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem huma valuri ċentrali. Per eżempju, l-eżerċizzju ta’ dawn il-libertajiet u l-privatezza taċ-ċittadini għandhom jiġu ppreservati lil hinn mill-fruntieri nazzjonali, speċjalment permezz tal-protezzjoni tad-data personali. Għandha ssir konċessjoni għall-ħtiġijiet speċjali ta' persuni vulnerabbli u ċ-ċittadini tal-Unjoni u ċittadini oħra għandhom ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet speċifiċi tagħhom bis-sħiħ fl-Unjoni, u, fejn rilevanti, anke barra l-Unjoni.

Ewropa ta' liġi u ġustizzja: Il-kisba ta' spazju Ewropew ta' ġustizzja għandu jiġi kkonsolidat sabiex wieħed imur lil hinn mill-frammentazzjoni attwali. Għandha tingħata prijorità lil mekkaniżmi li jiffaċilitaw l-aċċess għall-ġustizzja, sabiex il-persuni jkunu jistgħu jinfurzaw id-drittijiet tagħhom fl-Unjoni kollha. Għandha wkoll tittejjeb il-koperazzjoni bejn il-professjonisti pubbliċi, kif ukoll it-taħriġ tagħhom u għandhom jiġu mmobilizzati riżorsi biex jitneħħew l-ostakoli għar-rikonoxximent ta' atti legali fi Stati Membri oħra.

Ewropa li tipproteġi: Għandha tiġi żviluppata strateġija tas-sigurtà interna sabiex titjieb aktar is-sigurtà fl-Unjoni u b'hekk tiġi protetta l-ħajja u s-sikurezza taċ-ċittadini tal-Unjoni u jiġu ttrattati l-kriminalità organizzata, it-terroriżmu u theddid ieħor. L-istrateġija għandha timmira li ssaħħaħ il-koperazzjoni fl-infurzar tal-liġi, il-ġestjoni tal-fruntieri, il-protezzjoni ċivili, l-immaniġġar tad-diżastri kif ukoll il-koperazzjoni ġudizzjarja kriminali sabiex l-Ewropa ssir aktar sigura. Barra minn hekk, jeħtieġ li l-Unjoni tibbaża l-ħidma tagħha fuq is-solidarjetà bejn l-Istati Membri u tagħmel użu sħiħ mill-Artikolu 222 tat-TFUE.

Aċċess għall-Ewropa f'dinja globalizzata: L-aċċess għall-Ewropa għal negozjanti, turisti, studenti, xjentisti, ħaddiema, persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u persuni oħra li għandhom interess leġittimu li jaċċedu għat-territorju tal-Unjoni għandu jsir aktar effettiv u effiċjenti. Fl-istess ħin, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jridu jiggarantixxu s-sigurtà għaċ-ċittadini tagħhom. Il-ġestjoni integrata tal-fruntieri u l-linji ta' politika dwar il-viżi għandha jitfasslu biex jaqdu dawn l-għanijiet.

Ewropa ta' responsabbiltà, solidarjetà u sħubija fi kwistjonijiet ta' migrazzjoni u asil: L-iżvilupp ta' politika Ewropea komprensiva u progressiva dwar il-migrazzjoni, ibbażata fuq is-solidarjetà u r-responsabbiltà, tibqa' objettiv ewlieni tal-politika għall-Unjoni. Jeħtieġ li titwettaq implimentazzjoni effettiva tal-istrumenti legali kollha rilevanti u li jsir użu sħiħ tal-Aġenziji u l-Uffiċċji rilevanti li jaħdmu f'dan il-qasam. Ġestjoni tajba tal-migrazzjoni tista' tkun ta' benefiċċju għall-partijiet interessati kollha. Il-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil jipprovdi bażi ċara għal aktar żvilupp f'dan il-qasam. L-Ewropa ser teħtieġ politika flessibbli li tirrispondi għall-prijoritajiet u l-ħtiġijiet tal-Istati Membri u tippermetti lill-migranti jieħdu vantaġġ sħiħ mill-potenzjal tagħhom. Għandu jkun żgurat aċċess għal proċeduri tal-asil legalment sikuri u effiċjenti għall-persuni li jeħtieġu protezzjoni. Barra minn hekk, sabiex jinżammu sistemi ta' immigrazzjoni u asil kredibbli u sostenibbli fl-Unjoni, jinħtieġu li jsiru l-prevenzjoni, il-kontroll u l-ġlieda kontra l-migrazzjoni illegali peress li l-Unjoni tiffaċċja pressjoni dejjem akbar mill-flussi ta' migrazzjoni illegali u b'mod partikolari l-Istati Membri fil-fruntieri esterni tagħhom, inkluż fil-fruntieri ta' Nofsinhar skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew f'Ottubru 2009.

Ir-rwol tal-Ewropa f'dinja globalizzata – id-dimensjoni esterna: L-importanza tad-dimensjoni esterna tal-politika tal-Unjoni fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja tissottolinja l-ħtieġa għal aktar integrazzjoni ta' dawn il-linji ta' politika fil-linji ta' politika ġenerali tal-Unjoni. Id-dimensjoni esterna hija essenjali biex jiġu indirizzati l-isfidi ċentrali li qed niffaċċjaw u jingħataw aktar opportunitajiet liċ-ċittadini tal-Unjoni biex jaħdmu u jwettqu negozju ma' pajjiżi fid-dinja kollha. Din id-dimensjoni esterna hija kruċjali għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-objettivi ta' dan il-programm u għandha b'mod partikolari titqies fi, u tkun kompletament koerenti mal-aspetti l-oħra kollha tal-politika barranija tal-Unjoni.

1.2.   L-għodod

Jekk il-programm pluriennali li jmiss għandu jiġi implimentat b'suċċess, l-għodod li ġejjin huma importanti.

1.2.1.   Fiduċja reċiproka

Il-fiduċja reċiproka bejn l-awtoritajiet u s-servizzi fl-Istati Membri differenti u bejn dawk li jieħdu deċiżjonijiet, hija l-bażi għal koperazzjoni effiċjenti f'dan il-qasam. Għalhekk waħda mill-isfidi ewlenin għall-futur hija li tiġi żgurata fiduċja u li jinstabu modi ġodda biex jiżdiedu d-dipendenza fuq is-sistemi legali differenti fl-Istati Membri u l-fehim reċiproku bejniethom.

1.2.2.   Implimentazzjoni

Fis-snin li ġejjin jeħtieġ li tingħata aktar attenzjoni lill-implimentazzjoni, l-infurzar u l-evalwazzjoni kompleti u effettivi ta' strumenti eżistenti. Għandha tiġi żgurata t-traspożizzjoni legali bl-użu, kemm jista' jkun u kull meta possibbli, tal-għodod istituzzjonali eżistenti.

Iż-żmien meħud biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet taċ-ċittadini u n-negozji għandu wkoll ikun iqsar fil-futur. L-Unjoni għanda tiffoka fuq l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet taċ-ċittadini u l-prattikanti u r-risponsi adegwati. L-iżvilupp ta' azzjoni fil-livell tal-Unjoni għandu jinvolvi l-kompetenza tal-Istati Membri u jqis firxa ta' miżuri, inklużi soluzzjonijiet non-leġislattivi bħal manwali miftehma, il-kondiviżjoni tal-aħjar prattika (inter alia, l-aħjar użu tan-Netwerks Ġudizzjarji Ewropej) u proġetti reġjonali li jindirizzaw dawk il-ħtiġijiet, b'mod partikolari meta jkunu jistgħu jiproduċu rispons malajr.

1.2.3.   Leġislazzjoni

B'mod ġenerali, inizjattivi leġislattivi ġodda, mill-Kummissjoni jew mill-Istati Membri meta t-Trattat jipprevedi dan (2), għandhom jiġu ppreżentati unikament wara verifika tar-rispett għall-prinċipji ta' proporzjonalità u sussidjarjetà, tħejjija bir-reqqa , inklużi valutazzjonijiet tal-impatt minn qabel, li jinvolvu wkoll l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet u l-konsegwenzi finanzjarji u bl-użu tal-kompetenza tal-Istati Membri. Huwa kruċjali li jiġu evalwati l-implikazzjonijiet tal-inizjattivi leġislattivi l-ġodda fuq l-erba' libertajiet skont it-Trattat u li jiġi żgurat li inizjattivi bħal dawn ikunu kompletament kompatibbli mal-prinċipji tas-suq intern.

Il-Kunsill Ewropew jikkunsidra li l-iżvilupp ta' leġislazzjoni fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja huwa impressjonanti, iżda għandu n-nuqqasijiet fir-rigward ta' duplikazzjoni ta' xogħol u ċertu nuqqas ta' koerenza. Fl-istess ħin, il-kwalità tal-leġislazzjoni inkluż il-lingwaġġ użat f'xi wħud mill-atti legali jistgħu jittejbu.

Għandha tiġi kkunsidrata reviżjoni orizzontali tal-istrumenti adottati, fejn ikun il-każ, sabiex tittejjeb il-konsistenza u l-konsolidazzjoni tal-leġislazzjoni. Il-koerenza legali u l-faċilità tal-aċċessibbiltà huma partikolarment importanti. Il-prinċipji ta' regolamentazzjoni aħjar u tat-tfassil aħjar tal-liġijiet għandhom jissaħħu tul il-proċedura kollha tat-teħid tad-deċizjonijiet. Il-ftehim inter-istituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet milħuq bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (3) għandu jiġi applikat b’mod sħiħ. Fl-istadji kollha tal-proċedura interistizzjonali tagħhom, l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni għandhom jagħmlu sforz biex ifasslu l-leġislazzjoni tal-Unjoni b'lingwaġġ ċar u li jinftiehem.

1.2.4.   Aktar koerenza

Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kunsill u lil-Kummissjoni biex isaħħu l-koordinazzjoni interna sabiex jiksbu koerenza akbar bejn l-elementi esterni u interni tal-ħidma fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja. L-istess ħtieġa għal koerenza u koordinazzjoni mtejba tapplika għall-aġenziji tal-Unjoni (l-Europol, l-Eurojust, il-Frontex, il-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL), iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA), l-Uffiċċju Ewropew futur ta' Appoġġ fil-Qasam tal-Asil (EASO ) u l-Aġenzija tal-Unjoni għad-Drittijiet Fundamentali). Il-Kunsill għandu jeżerċita aktar superviżjoni politika fuq l-aġenziji, per eżempju billi jfassal konklużjonijiet dwar ir-rapporti annwali. regoli speċjali rigward xi aġenzjiji.

1.2.5.   Evalwazzjoni

It-Trattat ta' Lisbona jipprevedi li jistgħu jittieħdu miżuri sabiex l-Istati Membri, f'koperazzjoni mal-Kummissjoni, għandhom jimpenjaw ruħhom f'evalwazzjoni oġġettiva u imparzjali tal-implimentazzjoni tal-linji ta' politika fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, b'mod partikolari biex tiġi promossa l-applikazzjoni sħiħa tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku. Il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali għandhom jiġu informati bil-kontenut u r-riżultati tal-evalwazzjonijiet. Il-Kunsill Ewropew iqis li mekkaniżmi ta' evalwazzjoni bħal dawn għandhom jevitaw id-duplikazzjoni u, fit-tul, jinkludu l-linji ta' politika kollha fil-qasam. Għandu jkun hemm ukoll sistema effiċjenti ta' segwitu għal evalwazzjonijiet bħal dawn.

Għandha ssir evalwazzjoni tal-effikaċja tal-istrumenti legali adottati fil-livell tal-Unjoni. L-evalwazzjoni hija meħtieġa wkoll biex jiġi identifikat kwalunkwe ostakolu għall-funzjonament tajjeb tal-ispazju ġudizzjarju Ewropew. Din għandha tiffoka fuq problemi speċifiċi u għalhekk tiffaċilita l-applikazzjoni sħiħa tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiroku. Għandha titfittex il-koperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali bħala l-ewwel linja ta’ politika għall-evalwazzjoni. Madankollu, linji oħra ta' politika ser ikollhom isegwu, bħar-rispett għall-proċeduri ta' asil fil-leġislazzjoni rilevanti. Il-proċeduri ta' evalwazzjoni għandhom jiġu adattati għall-politika inkwistjoni, fejn meħtieġ.

Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex:

tippreżenta proposta waħda jew diversi proposti skont l-Artikolu 70 tat-TFUE rigward l-evalwazzjoni tal-linji ta' politika tal-Unjoni li huma msemmija fit-Titolu V tat-TFUE. Fejn ikun il-każ, dik il-proposta (jew proposti) għandhom jinkludu mekkaniżmu ta' evalwazzjoni bbażat fuq is-sistema stabbilita sew ta' evalwazzjoni bejn il-pari. L-evalwazzjoni għandha titwettaq perijodikament, għandha tinkludi sistema ta' segwitu effiċjenti, u għandha tiffaċilita fehim aħjar tas-sistemi nazzjonali sabiex jiġu identifikati l-aħjar prattika u l-ostakoli għall-koperazzjoni. Il-professjonisti għandhom ikunu jistgħu jikkontribwixxu għall-evalwazzjonijiet. Il-Kunsill għandu, fil-prinċipju, ikollu rwol ta' mexxej fil-proċess ta' evalwazzjoni, u b'mod partikolari fis-segwitu tiegħu.

Għandha tiġi evitata d-duplikazzjoni ma' mekkaniżmu oħra ta' evalwazzjoni, iżda għandhom jitfittxu sinerġiji u koperazzjoni, b'mod partikolari mal-ħidma tal-Kunsill tal-Ewropa. L-Unjoni għandha jkollha rwol attiv fil-ħidma ta' korpi ta' monitoraġġ tal-Kunsill tal-Ewropa u għandha tikkontribwixxi fiha.

1.2.6.   Taħriġ

Sabiex titrawwem kultura ġudizzjarja u tal-infurzar tal-liġi Ewropea ġenwina, huwa essenzjali li jiżdied it-taħriġ dwar kwistjonijiet relatati mal-Unjoni u li dan ikun sistematikament aċċessibbli għall-professjonijiet kollha involuti fl-implimentazzjoni tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja. Dan ser jinkludi imħallfin, prosekuturi, persunal ġudizzjarju, pulizija u uffiċjali tad-dwana u tal-għassa mal-fruntieri.

Għandu jitfittex l-objettiv ta' Skemi Ewropej ta' Taħriġ sistematiċi offruti lill-persuni kollha involuti. L-ambizzjoni għall-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandha tkun li sal-2015, numru sostantiv ta' professjonisti jkunu pparteċipaw fi Skema Ewropea ta' Taħriġ jew fi programm ta' skambju ma' Stat Membru ieħor, li jista' jkun parti mill-iskemi ta' taħriġ diġà eżistenti. Għal dan l-għan għandhom jintużaw b'mod partikolari l-istituzzjonijiet ta' taħriġ eżistenti.

L-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà primarja f'dan ir-rigward, iżda l-Unjoni għandha tappoġġa u ssostni finanzjarjament l-isforzi tagħhom u tkun tista' wkoll ikollha l-mekkaniżmi tagħha stess biex tissupplimenta l-isforzi nazzjonali. Il-Kunsill Ewropew jikkunsidra li l-aspetti ta' koperazzjoni internazzjonali u tal-Unjoni għandhom ikunu parti mill-kurrikuli nazzjonali. Għat-taħriġ tal-imħallfin, il-prosekuturi u l-persunal ġudizzjarju, huwa importanti li tiġi salwagwardata l-indipendenza ġudizzjarja filwaqt li fl-istess ħin għandha titqiegħed enfasi fuq id-dimensjoni Ewropea għall-professjonisti li ta' spiss jużaw l-istrumenti Ewropej. Is-CEPOL u l-Frontex għandhom ikollhom rwol ċentrali fit-taħriġ tal-persunal tal-infurzar tal-liġi u l-uffiċjali tal-għassa mal-fruntieri bil-ħsieb li tiġi żgurata dimensjoni Ewropea fit-taħriġ. It-taħriġ tal-uffiċjali tal-għassa mal-fruntieri u l-uffiċjali tad-dwana huwa ta' importanza speċjali bil-ħsieb li jitrawwem approċċ komuni għal ġestjoni integrata tal-fruntieri. Jistgħu jitfittxu soluzzjonijiet fil-livell Ewropew, bil-ħsieb li jissaħħu l-Iskemi Ewropej ta' Taħriġ. Għandhom jiġu żviluppati wkoll programmi ta' tagħlim elettroniku u materjal ta' taħriġ komuni biex il-professjonisti jiġu mħarrġa fil-mekkaniżmi Ewropej.

Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex:

tipproponi Pjan ta' Azzjoni biex jiżdied sostanzjalment u sistematikament fl-Unjoni il-livell tal-iskemi Ewropej ta' taħriġ u tal-programmi ta’ skambju. Il-Pjan għandu jipproponi kif jiġi żgurat li terz mill-pulizija kollha involuti fil-koperazzjoni Ewropea bejn il-pulizija u nofs l-imħallfin, il-prosekuturi u l-persunal ġudizzjarju involuti fil-koperazzjoni ġudizzjarja Ewropea kif ukoll nofs il-professjonisti l-oħra involuti fil-koperazzjoni Ewropea jkunu jistgħu jiġu offruti Skemi Ewropej ta' Taħriġ;

teżamina dak li jista' jiġi definit bħala Skema Ewropea ta' Taħriġ, u tissuġġerixxi fil-Pjan ta' Azzjoni kif tista' tiġi żviluppata din l-idea bil-ħsieb li tingħata dimensjoni Ewropea;

tistabbilixxi programmi speċifiċi ta' skambju fuq l-istil tal-“Erasmus”, li jkunu jistgħu jinvolvu stati li mhumiex membri u b'mod partikolari pajjiżi kandidati u pajjiżi li magħhom l-Unjoni kkonkludiet Ftehimiet ta' Sħubija u Koperazzjoni;

tiżgura li l-parteċipazzjoni f'korsijiet, eżerċizzji u programmi ta' skambju konġunti, tiġi deċiża abbażi ta' kompiti u ma tkunx tiddependi fuq kriterji speċifiċi għas-settur.

1.2.7.   Komunikazzjoni

Il-kisbiet fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja ġeneralment huma ta' importanza kbira għaċ-ċittadini, in-negozji u l-professjonisti. Il-Kunsill Ewropew għalhekk jappella lill-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni, b'mod partikolari lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istati Membri, biex jikkunsidraw modi biex jikkomunikaw aħjar liċ-ċittadini u l-prattikanti r-riżultati konkreti tal-politika fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja. Huwa jitlob lill-Kummissjoni biex tfassal strateġija dwar kif ikun aħjar li jiġi spjegat liċ-ċittadini kif jistgħu jibbenefikaw mill-għodod u l-oqfsa legali l-ġodda, per eżempju permezz tal-użu tal-proġett “e-Justice” u tal-Portal “e-Justice”.

1.2.8.   Dialogu mas-soċjetà ċivili

Il-Kunsill Ewropew iħeġġeġ biex l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, fil-qafas tal-kompetenzi tagħhom, iżommu djalogu miftuħ, trasparenti u regolari ma' assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u s-soċjetà ċivili. Il-Kummissjoni għandha timplimenta mekkaniżmi speċifiċi, bħall-Forum Ewropew għall-Ġustizzja, biex jiżdied id-djalogu f'oqsma fejn dawn il-mekkaniżmi huma adegwati.

1.2.9.   Finanzjament

Il-Kunsill Ewropew jenfasizza li l-Programm ta' Stokkolma għandu jkun iffinanzjat taħt l-intestaturi u l-limiti massimi tal-qafas finanzjarju attwali. Ħafna mill-miżuri u l-azzjonijiet f’dan il-programm jistgħu jiġu implimentati permezz ta' użu aktar effettiv ta' strumenti u fondi eżistenti.

Il-Kunsill Ewropew jinnota li l-perspettivi finanzjarji attwali jiskadu fl-aħħar tal-2013. Huwa jissottolinja l-intenzjoni tiegħu li jirrifletti l-għanijiet tal-Programm ta' Stokkolma. Madankollu, dan il-programm ma jippreġudikax in-negozjati dwar il-perspettivi finanzjarji li jmiss.

Il-Kunsill Ewropew iqis ukoll li l-proċeduri għall-applikazzjoni għall-programmi ta' finanzjament, filwaqt li jieħdu kont tal-esperjenza tal-Istati Membri, għandhom ikunu trasparenti, flessibbli, koerenti u integrati u għandhom isiru aċċessibbli aktar faċilment għall-amministrazzjonijiet, l-imsieħba u l-prattikanti stabbiliti permezz tad-disseminazzjoni attiva ta' linji gwida ċari, mekkaniżmu għall-identifikazzjoni tal-imsieħba u programmazzjoni preċiża. Il-Kunsill Ewropew jitlob lill-Kummissjoni teżamina mezzi adegwati biex jinkiseb dak l-għan.

Fil-perspettivi finanzjarji li jmiss, għandu jiġi eżaminat kif l-aħjar li jitfasslu l-istrumenti finanzjarji sabiex jiġi żgurat appoġġ adatt għall-proġetti operattivi żviluppati barra mill-Unjoni li jsaħħu s-sigurtà tal-Unjoni, b'mod partikolari fil-qasam tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu. Għandha tingħata konsiderazzjoni attenta lil mezzi kif titħaffef ir-reazzjoni tal-Unjoni għal avvenimenti urġenti f'dan il-qasam f'termini ta' assistenza finanzjarja u kif tingħata assistenza teknika għall-implimentazzjoni globali ta' konvenzjonijiet internazzjonali, bħal dawk relatati mat-terroriżmu.

1.2.10.   Pjan ta' Azzjoni

Fid-dawl tal-Programm ta' Stokkolma, il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta fil-pront Pjan ta' Azzjoni fl-ewwel sitt xhur tal-2010 li għandu jiġi adottat mill-Kunsill. Dan il-Pjan ta' Azzjoni għandu jittraduċi l-għanijiet u l-prijoritajiet tal-Programm ta' Stokkolma f'azzjonijiet konkreti bi skeda ċara għall-adozzjoni u l-implimentazzjoni. Huwa għandu jinkludi proposta għal skeda ta' żmien għat-trasformazzjoni ta' strumenti b'bażi legali ġdida.

1.2.11.   Reviżjoni tal-Programm ta' Stokkolma

Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta, qabel Ġunju 2012, reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-implimentazzjoni tal-Programm ta' Stokkolma. Il-programmi tat-Trio tal-Presidenza u l-programmi leġislattivi tal-Kummissjoni għandhom jiġu ppubblikati malajr kemm jista' jkun sabiex il-parlamenti nazzjonali jkunu jistgħu jkollhom viżjoni bikrija tal-proposti.

2.   PROMOZZJONI TAD-DRITTIJIET TAĊ-ĊITTADINI: EWROPA TAD-DRITTIJIET

2.1.   Ewropa mibnija fuq id-drittijiet fundamentali

L-Unjoni hija bbażata fuq valuri komuni u r-rispett għad-drittijiet fundamentali. Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, l-adeżjoni rapida tal-Unjoni mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ikollha importanza prinċipali. Dan ser isaħħaħ l-obbligu tal-Unjoni, inklużi l-istituzzjonijiet tagħha, li tiżgura li fl-oqsma kollha tal-attività tagħha, id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali jiġu promossi b'mod attiv. Il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ser tkun tista' tkompli tiżviluppa bl-istess pass, filwaqt li jiġi msaħħaħ il-ħolqien ta' sistema Ewropea uniformi għad-drittijiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem ibbażata fuq il-Konvenzjoni Ewropea u dawk stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kunsill Ewropew jistieden:

lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta dwar l-adeżjoni tal-Unjoni mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali bħala kwistjoni urġenti,

lill-istituzzjonijiet u l-Istati Membri tal-Unjoni biex jiżguraw li l-inizjattivi legali jkunu u jibqgħu konsistenti mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tul il-proċess leġislattiv kollu billi tissaħħaħ l-applikazzjoni tal-metodoloġija għal monitoraġġ sistematiku u rigoruż tal-konformità mal-Konvenzjoni Ewropea u d-drittijiet u l-libertajiet stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni biex:

jagħmlu użu sħiħ mill-kompetenza tal-Aġenzija tal-Unjoni għad-Drittijiet Fundamentali u biex jikkonsultaw, fejn meħtieġ, mal-Aġenzija, f'konformità mal-mandat tagħha, rigward l-iżvilupp ta' linji ta' politika u leġislazzjoni b'implikazzjonijiet għad-drittijiet fundamentali, u biex jużawha għall-komunikazzjoni liċ-ċittadini ta' kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem li jolqtuhom fil-ħajja tagħhom ta' kuljum,

jissoktaw l-isforzi tal-Unjoni għall-abolizzjoni tal-piena tal-mewt, it-tortura u trattament inuman u degradanti ieħor.

ikomplu jappoġġaw u jippromwovu l-attività tal-Unjoni u tal-Istati Membri kontra l-impunità u fil-ġlieda kontra reati ta' ġenoċidju, reati kontra l-umanità u reati tal-gwerra; f'dak il-kuntest, jippromwovu l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri, pajjiżi terzi u t-tribunali internazzjonali f'dan il-qasam, u b'mod partikolari l-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC), u jiżviluppaw skambju ta' informazzjoni ġudizzjarja u tal-aħjar prattika fir-rigward tal-prosekuzzjoni ta' reati bħal dawn fin-Netwerk Ewropew ta' Punti ta' Kuntatt, fir-rigward ta' persuni responsabbli għal reati ta’ ġenoċidju, reati kontra l-umanità u reati tal-gwerra.

L-Unjoni hija żona ta' valuri kondiviżi, valuri li mhumiex kompatibbli ma' reati ta’ ġenoċidju, reati kontra l-umanità u reati tal-gwerra, inklużi reati mwettqa minn reġimi totalitarji. Kull Stat Membru għandu l-approċċ tiegħu għal din il-kwistjoni iżda, fl-interess tar-rikonċiljazzjoni, il-memorja ta' dawn ir-reati għandha tkun memorja kollettiva, kondiviża u promossa, fejn possibbli, minna kollha. L-Unjoni għandu jkolha r-rwol ta' faċilitatur.

Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex:

teżamina u tirrapporta lill-Kunsill fl-2010 dwar jekk hemmx ħtieġa għal proposti addizzjonali li jkopru l-iskużar, iċ-ċaħda jew it-trivjalizzazzjoni esagerata ta' reati ta' ġenoċidju, reati kontra l-umanità u reati tal-gwerra diretti kontra grupp ta' persuni ddefinit b'riferiment għal kriterji oħra minbarra r-razza, il-kulur, ir-reliġjon, id-dixxendenza jew l-oriġini nazzjonali jew etnika, bħall-istatus soċjali jew il-konvinzjonijiet politiċi.

2.2.   Eżerċizzju sħiħ tad-dritt għal-libertà ta' moviment

Id-dritt għal-libertà ta' moviment taċ-ċittadini u l-membri tal-familja tagħhom fl-Unjoni huwa wieħed mill-prinċipji fundamentali li fuqhom hi bbażata l-Unjoni u taċ-ċittadinanza Ewropea. Iċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom id-dritt jiċċaqalqu u jirresjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, id-dritt li jivvutaw u li jippreżentaw ruħhom bħala kandidati fl-elezzjonijiet fil-Parlament Ewropew u fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta' residenza tagħhom, il-protezzjoni ta' awtoritajiet diplomatiċi u konsulari ta' Stati Membri oħra eċċ. Meta jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom, iċ-ċittadini jiġu żgurati trattament ugwali skont il-kondizzjonijiet stipulati mil-liġi tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-implimentazzjoni effettiva tal-leġislazzjoni rilevanti tal-Unjoni hija prijorità.

Kif innota l-Parlament Ewropew, il-koperazzjoni fil-qasam ta' Schengen, li neħħiet il-kontrolli interni fuq il-fruntieri fil-parti l-kbira tal-Unjoni, hija kisba kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja. Il-Kunsill Ewropew ifakkar fir-rabta tiegħu mat-tkabbir ulterjuri taż-żona Schengen. Dment li jkunu ġew sodisfatti r-rekwiżiti kollha għall-applikazzjoni tal-acquis ta' Schengen, l-Kunsill Ewropew jappella lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni biex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex tkun permessa t-tneħħija tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni mal-Istati Membri li fadal u li ddikjaraw li huma lesti jissieħbu fiż-żona Schengen mingħajr dewmien.

Jeħtieġ li ċ-ċittadini tal-Unjoni jingħataw assistenza fil-proċeduri amministrattivi u legali li huma jiffaċċjaw meta jeżerċitaw id-dritt għal-libertà ta' moviment. Fil-qafas tat-Trattat, għandhom jitneħħew l-ostakoli li jimponu restrizzjoni fuq dan id-dritt fil-ħajja ta' kuljum.

Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex:

tissorvelja l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta' dawn ir-regoli sabiex jiġi garantit id-dritt għal-libertà ta' moviment.

Il-kisba ta' dritt għal residenza skont il-liġi tal-Unjoni għaċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom huwa vantaġġ inerenti fl-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà ta' moviment. Il-fini ta' dak id-dritt, madankollu, mhuwiex li jiġu evitati r-regoli dwar l-immigrazzjoni. Il-libertà ta' moviment ma jinvolvix biss drittijiet iżda jimponi wkoll obbligi fuq dawk li jibbenefikaw minnu; għandhom jiġu evitati l-abbuż u l-frodi. L-Istati Membri għandhom jissalvagwardaw u jipproteġu d-dritt għal-libertà ta' moviment billi jaħdmu flimkien, u mal-Kummissjoni, biex jiġġieldu azzjonijiet ta' natura kriminali b'miżuri b'saħħithom u proporzjonati, b'kont debitu meħud tal-liġi applikabbli.

Għaldaqstant, il-Kunsill Ewropew jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex:

tissorvelja l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta' dawn ir-regoli sabiex jiġu evitati l-abbuż u frodi;

teżamina l-aħjar mod għall-iskambju ta' informazzjoni, inter alia, rigward permessi ta' residenza u dokumentazzjoni u dwar kif tingħata assistenza lill-awtoritajiet tal-Istati Membri biex jittrattaw b'mod effettiv l-abbuż ta' dan id-dritt fundamentali.

Bil-ħsieb ta' dan l-għan, l-Istati Membri għandhom jissorveljaw mill-qrib l-implimentazzjoni sħiħa u korretta tal-acquis eżistenti u jittrattaw l-abbuż u l-frodi possibbli tad-dritt għal-libertà ta' moviment ta' persuni u jiskambjaw informazzjoni u statistika dwar abbuż u frodi bħal dawn. Jekk jiġu identifikati xejriet sistematiċi fl-abbuż u l-frodi tad-dritt għal-libertà ta' moviment, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw xejriet bħal dawn lill-Kummissjoni, li ser tissuġġerixxi lill-Kunsill kif dawn ix-xejriet jistgħu jiġu indirizzati permezz tal-mezzi l-aktar adatti.

2.3.   Ngħixu flimkien fi spazju li jirrispetta d-diversità u li jipproteġi lil dawk l-aktar vulnerabbli

Billi d-diversità tarrikkixxi lill-Unjoni, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom jipprovdu ambjent sikur fejn id-differenzi jiġu rispettati u l-persuni l-aktar vulnerabbli jkunu protetti. Il-miżuri għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, ir-razziżmu, l-antisemitiżmu, il-ksenofobija u l-omofobija għandhom jitmexxew b'determinazzjoni.

2.3.1.   Razziżmu u ksenofobija

Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex:

tirrapporta matul il-perijodu tal-Programm ta' Stokkolma dwar it-traspożizzjoni tad- Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI tat-28 ta’ Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta’ razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali sat-28 ta' Novembru 2013, u, skont il-każ, tagħmel proposti għall-emendament tagħha;

tagħmel użu sħiħ tal-istrumenti eżistenti, b'mod partikolari l-programmi ta' finanzjament għall-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija.

L-Istati Membri għandhom jimplimentaw dik id-Deċiżjoni Qafas mill-iktar fis possibbli u sa mhux aktar tard mit-28 ta' Novembru 2010.

2.3.2.   Drittijiet tat-tfal

Id-drittijiet tat-tfal, jiġifieri l-prinċipju tal-aħjar interess tat-tfal li huwa d-dritt tat-tfal għall-ħajja, is-sopravivenza u l-iżvilupp, in-non-diskriminazzjoni u r-rispett għad-dritt tat-tfal li jesprimu l-opinjoni tagħhom u jinstemgħu b'mod ġenwin fil-kwistjonijiet kollha li jikkonċernawhom skont l-età u l-livell ta' żvilupp tagħhom kif ipproklamat fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, jikkonċernaw il-linji ta' politika kollha tal-Unjoni. Dawn għandhom jitqiesu sistematikament u strateġikament bil-ħsieb li jiġi żgurat approċċ integrat. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fl-2006, imsejħa Lejn Strateġija tal-Unjoni għad-Drittijiet tat-Tfal tirrifletti kunsiderazzjonijiet importanti f'dan ir-rigward. Għandha tiġi żviluppata strateġjia ambizzjuża tal-Unjoni dwar id-drittijiet tat-tfal.

Il-Kunsill Ewropew jappella lill-Kummissjoni biex:

tidentifika miżuri, li għalihom l-Unjoni tista' tagħti valur miżjud, biex jiġu protetti u promossi d-drittijiet tat-tfal. Tfal f'sitwazzjonijiet partikolarment vulnerabbli għandhom jirċievu attenzjoni speċjali, b'mod partikolari t-tfal li huma vittmi ta' sfruttament sesswali u abbuż kif ukoll t-tfal li huma vittmi ta' traffikar u minuri mhux akkumpanjati fil-kuntest tal-politika tal-Unjoni dwar il-migrazzjoni.

Rigward il-ħtif tat-tfal mill-ġenituri, minbarra l-implimentazzjoni effettiva tal-istrumenti legali eżistenti f'dan il-qasam, għandha tiġi esplorata l-possibbiltà li tintuża l-medjazzjoni familjari fil-livel internazzjonali, filwaqt li jittieħed kont tal-prattika tajba fl-Istati Membri. L-Unjoni għandha tkompli tiżviluppa mekkaniżmi ta' allert ta' ħtif kriminali tat-tfal, billi tippromwovi l-koperazzjoni bejn l-awotritajiet nazzjonali u l-interoperabbiltà tas-sistemi.

2.3.3.   Gruppi vulnerabbli

Il-forom kollha ta' diskuriminazzjoni jibqgħu inaċċettabbli. L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jgħaqqdu l-isforzi tagħhom biex jintegraw kompletament fis-soċjetà lill-gruppi vulnerabbli, b'mod partikolari l-komunità Roma, billi jippromwovu l-inklużjoni tagħhom fis-sistema tal-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol u billi jaħdmu biex jimpedixxu vjolenza kontrihom. Għal dan l-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-leġislazzjoni eżistenti tiġi applikata korrettament biex tiġi ttrattata d-diskriminazzjoni potenzjali. L-Unjoni ser toffri appoġġ prattiku u tippromwovi l-aħjar prattika biex tgħin lill-Istati Membri jiksbu dan. Is-soċjetà ċivili ser ikollha rwol speċjali.

Il-gruppi vulnerabbli f'sitwazzjonijiet partikolarment esposti, bħan-nisa li huma vittmi ta' vjolenza jew ta' mutilazzjoni ġenitali jew persuni li jġarrbu ħsara fi Stat Membru li huma mhumiex ċittadini tiegħu jew residenti fih, jeħtieġu protezzjoni akbar, inkluża l-protezzjoni legali. Ser jiġi pprovdut appoġġ finanzjarju adatt, permezz tal-programmi ta' finanzjament disponibbli.

Il-ħtieġa għal proposti addizzjonali fir-rigward ta' adulti vulnerabbli għandha tiġi vvalutata fid-dawl tal-esperjenza miksuba mill-applikazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-2000 dwar il-Protezzjoni Internazzjonali tal-Adulti mill-Istati Membri li huma partijiet jew ser isiru partijiet fil-futur. L-Istati Membri huma inkoraġġuti jissieħbu mal-Konvenzjoni mill-iktar fis possibbli.

2.3.4.   Vittmi tal-kriminalità, inkluż it-terroriżmu

Dawk li huma l-aktar vulnerabbli jew li jsibu ruħhom f'sitwazzjonijiet partikolarment esposti, bħal persuni li jkunu suġġetti għal vjolenza ripetuta f'relazzjonijiet tal-qrib, vittmi ta' vjolenza bbażata fuq is-sess, jew persuni li jkunu vittmi ta' tipi oħrajn ta' kriminalità fi Stat Membru li mhumiex ċittadini tiegħu jew residenti fih, jeħtieġu appoġġ speċjali u protezzjoni legali. Il-vittmi tat-terroriżmu wkoll jeħtieġu attenzjoni, appoġġ u rikonoxximent soċjali speċjali. Hu meħtieġ approċċ integrat u koordinat għall-vittmi, f'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar strateġija biex jiġi żgurat li d-drittijiet ta' persuni li jkunu vittmi ta' kriminalità jiġu ssodisfati u li jittejjeb l-appoġġ għal dawn il-persuni.

Il-Kunsill Ewropew jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex:

jeżaminaw kif jistgħu jtejbu l-leġislazzjoni u l-miżuri ta' appoġġ prattiku għall-protezzjoni tal-vittmi u jtejbu l-implimentazzjoni tal-istrumenti eżistenti,

joffru appoġġ aħjar lill-vittmi b'modi oħra, possibbilment permezz tan-netwerks Ewropej eżistenti li jipprovdu għajnuna prattika u jressqu proposti għal dak l-għan,

jeżaminaw jekk ikunx opportun li jkun hemm strument legali wieħed komprensiv rigward il-protezzjoni tal-vittmi, billi jingħaqdu flimkien id-Direttiva tal-Kunsill 2004/80/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar kumpens għal vittmi ta’ delitti u d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2001/220/ĠAI tal-15 ta' Marzu 2001 dwar id-drittijiet tal-vittmi fil-proċeduri kriminali, abbażi ta' evalwazzjoni taż-żewġ strumenti.

Għandu jsir aktar użu tal-programmi ta' finanzjament skont l-oqfsa legali rispettivi tagħhom.

2.4.   Drittijiet tal-individwu fi proċedimenti kriminali

Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni ssuspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali hija valur fundamentali tal-Unjoni, li hija essenzjali sabiex tinżamm fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u fiduċja pubblika fl-Unjoni. Il-Kunsill Ewropew għalhekk jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni mill-Kunsill tal-Pjan direzzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali ta' persuni ssuspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali, li meta jkun implimentat kompletament, ser isaħħaħ id-drittijiet tal-individwu fi proċedimenti kriminali. Minn issa 'l quddiem dak il-Pjan direzzjonali ser jifforma parti mill-Programm ta' Stokkolma.

Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex:

tressaq il-proposti previsti fil-Pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni rapida tiegħu, rigward il-kondizzjonijiet stabbiliti ġo fih,

teżamina aktar elementi ta' drittijiet proċedurali minimi għall-persuni ssuspettati u akkużati, u tivvaluta jekk jeħtieġx li jiġu ttrattati kwistjonijiet oħra, per eżempju il-preżunzjoni tal-innoċenza, għall-promozzjoni ta' koperazzjoni aħjar f'dan il-qasam.

2.5.   Protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini fis-soċjetà tal-informazzjoni

Meta tkun qed tiġi vvalutata l-privatezza tal-individwu fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, id-dritt għal-libertà huwa predominanti. Id-dritt għall-privatezza u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali huma stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Għalhekk l-Unjoni għandha tirreaġixxi għall-isfida ppreżentata mill-iskambju akbar ta' data personali u l-ħtieġa li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-privatezza. L-Unjoni għandha tiżgura strateġija komprensiva biex tipproteġi d-data fl-Unjoni u fir-relazzjonijiet tagħha ma’ pajjiżi oħra. F'dak il-kuntest, hija għandha tippromwovi l-applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti fl-isturmenti rilevanti tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data u l-Konvenzjoni tal-1981 tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tal-Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta’ Data Personali minbarra li tippromwovi l-adeżjoni għal din il-konvenzjoni. Hija għandha wkoll tipprevedi u tirregola ċ-ċirkostanzi fejn l-interferenza mill-awtoritajiet pubbliċi fl-eżerċizzju ta' dawn id-drittijiet hija ġustifikata u tapplika wkoll il-prinċipji tal-protezzjoni tad-data fl-isfera privata.

L-Unjoni għandha tindirizza l-ħtieġa għal skambju akbar ta' data personali filwaqt li tiżgura l-akbar rispett għall-protezzjoni tal-privatezza. Il-Kunsill Ewropew huwa konvint li l-iżviluppi teknoloġiċi mhux biss jippreżentaw sfidi ġodda għall-protezzjoni ta' data personali, iżda joffru wkoll possibbiltajiet ġodda għal protezzjoni aħjar ta' data personali.

Jeħtieġ li jiġu żgurati l-prinċipji bażiċi bħal-limitazzjoni tal-iskop, il-proporzjonalità, il-leġittimità tal-ipproċessar, il-limiti fuq iż-żmien tal-ħażna, is-sigurtà u l-kunfidenzjalità kif ukoll ir-rispett għad-drittijiet tal-individwu, il-kontroll mill-awtoritajiet superviżorji indipendenti nazzjonali u l-aċċess għal rimedju ġudizzjarju effettiv u għandha tiġi stabbilita skema ta' protezzjoni komprensiva. Dawn il-kwistjonijiet huma ttrattati wkoll fil-kuntest tal-Istrateġija għall-Ġestjoni tal-Informazzjoni għas-sigurtà interna tal-Unjoni Ewropea msemmija fil-Kapitolu 4.

Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex:

tevalwa l-funzjonament tad-diversi strumenti dwar il-protezzjoni tad-data u tippreżenta, fejn meħtieġ, aktar inizjattivi leġislattivi u mhux leġislattivi biex tinżamm l-applikazzjoni effettiva tal-prinċipji t'hawn fuq;

tipproponi rakkomandazzjoni għan-negozjar ta' ftehimiet dwar il-protezzjoni tad-data u, fejn meħtieġ, dwar il-kondiviżjoni ta' data għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi mal-Istati Uniti tal-Amerika, li tibni fuq il-ħidma mwettqa mill-Grupp ta' Kuntatt ta' Livell Għoli UE-Stati Uniti dwar l-Iskambju ta’ Informazzjoni u l-Protezzjoni tal-Privatezza u tad-Data Personali;

tqis l-elementi ċentrali għal ftehimiet dwar il-protezzjoni tad-data ma' pajjiżi terzi għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi, li jistgħu jinkludu, fejn meħtieġ, data miżmuma privatament, abbażi ta' livell għoli ta' protezzjoni tad-data;

ittejjeb il-konformità mal-prinċipji tal-protezzjoni tad-data permezz tal-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda adatti, li ttejjeb il-koperazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat, b'mod partikolari fil-qasam tar-riċerka;

teżamina l-introduzzjoni ta' skema ta' ċertifikazzjoni Ewropea għal teknoloġiji, prodotti u servizzi li jirrispettaw il-privatezza;

twettaq kampanji ta' informazzjoni, b'mod partikolari biex iżżid is-sensibilizzazzjoni fost il-pubbliku.

Fuq livell ġenerali, l-Unjoni għandha tkun forza mexxejja wara l-iżvilupp u l-promozzjoni ta' standards internazzjonali għall-protezzjoni tad-data personali, abbażi tal-istrumenti rilevanti tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data u l-Konvenzjoni tal-1981 tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tal-Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta’ Data Personali, u fil-konklużjoni ta' strumenti bilaterali jew multilaterali adatti.

2.6.   Parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika tal-Unjoni

Il-Kunsill Ewropew ifakkar li t-trasparenza tat-teħid tad-deċiżjonijiet, l-aċċess għad-dokuimenti u l-amministrazzjoni tajba jikkontribwixxu għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-ħajja demokratika tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-inizjattiva taċ-ċittadini tal-Unjoni introdotta mill-Artikolu 11 tat-TUE ser toħloq mekkaniżmu ġdid għall-parteċipazzjoni ċivika. Dak il-mekkaniżmu għandu jitwettaq malajr.

Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex:

teżamina kif ikun l-aħjar li tiġi żgurata t-trasparenza tat-teħid tad-deċiżjonijiet, l-aċċess għad-dokumenti u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja fid-dawl tal-opportunitajiet ġodda pprovduti permezz tat-Trattat ta' Lisbona u tressaq proposti għal dan l-għan.

Bil-ħsieb tal-elezzjonijiet Ewropej fl-2014, għandhom jiġu kkunsidrati b'attenzjoni modi għall-inkoraġġiment taċ-ċittadini biex jivvotaw. In-numru ta' votanti naqas b'20 % mill-1979 filwaqt li fl-istess ħin is-setgħat tal-Parlament Ewropew bħala ko-leġislatur żdiedu b'mod konsiderevoli. Għandhom jiġu esplorati miżuri bħall-faċilitar ta' kif issir ir-reġistrazzjoni fuq il-lista elettorali.

Barra minn hekk, il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex, qabel Diċembru 2012,

tirrapporta lill-Kunsill Ewropew dwar metodi ta’ prattika u tradizzjonijiet nazzjonali rigward l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, u tipproponi, abbażi tar-rapport, kif jinkiseb jum l-elezzjoni komuni għall-Parlament Ewropew. Fid-dawl ta' dak ir-rapport, il-Kunsill Ewropew ser iqis kif imexxi 'l quddiem din il-kwistjoni.

2.7.   Dritt għal protezzjoni f'pajjiżi mhux Stati Membri

Ċittadin tal-Unjoni li jivjaġġa lejn jew li jgħix f'pajjiż terz, fejn l-Istat Membru tiegħu ma jkunx rappreżentat, għandu d-dritt għal protezzjoni mill-awtoritajiet diplomatiċi u konsulari ta' kwalunkwe Stat Membru taħt l-istess kondizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta' dak l-Istat Membru. Dan id-dritt, stabbilit fit-Trattati, mhuwiex irreklamat sewwa, u huma meħtieġa aktar sforzi biex tiġi żgurata l-applikazzjoni sħiħa tiegħu. Jistgħu jsiru kampanji ta' komunikazzjoni mmirati f'konnessjoni ma' dan id-dritt.

Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex:

tqis miżuri adatti li jistabbilixxu l-koordinazzjoni u l-koperazzjoni meħtieġa biex tiġi ffaċilitata l-protezzjoni konsulari f'konformità mal-Artikolu 23 tat-TFUE.

3.   FAĊILITAR TA' ĦAJJET IN-NIES: EWROPA TA' LIĠI U ĠUSTIZZJA

Il-Kunsill Ewropew iddikjara fil-laqgħa tiegħu f'Tampere fl-1999 li r-rikonoxximent reċiproku msaħħaħ tad-deċiżjonijiet u s-sentenzi ġudizzjarji u l-approssimazzjoni meħtieġa tal-leġislazzjoni jiffaċilitaw il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet u l-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet individwali u li l-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku għandu jkun il-pedament tal-koperazzjoni ġudizzjarja f'materji kemm ċivili kif ukoll kriminali. Dan il-prinċipju issa huwa espress fit-Trattat.

Fil-Programm tal-Aja, adottat fl-2004, il-Kunsill Ewropew innota li sabiex il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku jsir effettiv, jeħtieġ li l-fiduċja reċiproka tissaħħaħ permezz ta' żvilupp progressiv ta' kultura ġudizzjarja Ewropea bbażata fuq id-diversità tas-sistemi legali u l-unità permezz tad-dritt Ewropew. Is-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jaħdmu flimkien b'mod koerenti u effettiv f'konformità mat-tradizzjonijiet legali nazzjonali tagħhom.

L-Unjoni għandha tkompli ssaħħaħ il-fiduċja reċiproka fis-sistemi legali tal-Istati Membri billi tistabbilixxi drittijiet minimi kif meħtieġ għall-iżvilupp tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku u billi tistabbilixxi regoli minimi rigward id-definizzjoni ta' reati u sanzjonijiet kriminali kif definiti mit-Trattat. Il-qasam ġudizzjarju Ewropew għandu wkoll jippermetti liċ-ċittadini jaffermaw id-drittijiet tagħhom kullimkien fl-Unjoni billi jqajjem b'mod sinifikattiv sensibilizzazzjoni ġenerali tad-drittijiet u billijiffaċilita l-aċċess tagħhom għall-ġustizzja.

F'dan ir-rigward, il-Kunsill Ewropew jenfasizza l-importanza orizzontali tal-“e-Justice”, li mhix limitata għal oqsma speċifiċi tal-liġi. Hija għandha tiġi integrata fl-oqsma kollha tal-liġi ċivili, kriminali u amministrattiva sabiex jiġi żgurat aċċess aħjar għall-ġustizzja u koperazzjoni msaħħa bejn l-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji.

3.1.   Implimentazzjoni ulterjuri tar-rikonoxximent reċiproku

Il-Kunsill Ewropew jinnota b'sodisfazzjoni li nkiseb progress konsiderevoli fl-implimentazzjoni taż-żewġ programmi dwar ir-rikonoxximent reċiproku adottati mill-Kunsill fl-2000 u jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għal traspożizzjoni fil-livell nazzjonali ta' regoli maqbulin fil-livell Ewropew. F'dan il-kuntest, il-Kunsill Ewropew jenfasizza l-ħtieġa li tiġi evalwata l-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri u li titkompla l-ħidma dwar ir-rikonoxximent reċiproku.

3.1.1.   Liġi kriminali

Minkejja l-kriminalità transkonfinali, għandhom isiru aktar sforzi biex il-koperazzjoni ġudizzjarja ssir aktar effiċjenti. L-istrumenti adottati jeħtieġ li jkunu aktar “faċli għall-utent” u jiffokaw fuq problemi li kontinwament jitfaċċaw fil-koperazzjoni transkonfinali, bħal kwistjonijiet rigward il-limiti ta' żmien u l-kondizzjonijiet tal-lingwa jew il-prinċipju ta' proporzonalità. Sabiex tittejjeb il-koperazzjoni bbażata fuq rikonoxximent reċiproku, xi kwistjonijiet ta' prinċipju għandhom jiġu riżolti wkoll. Per eżempju, jista' jkun hemm il-ħtieġa għal approċċ orizzontali rigward ċerti problemi rikorrenti waqt in-negozjati rigward l-istrumenti. L-approssimazzjoni, fejn meħtieġa, tal-liġi sostentiva u proċedurali għandha tiffaċilita r-rikonoxximent reċiproku.

Ir-rikonoxximent reċiproku jista' jkun estiż għat-tipi kollha ta' sentenzi u deċiżjonijiet ta' natura ġudizzjarja, li jistgħu, skont is-sistema legali, ikunu kriminali jew amministrattivi.

hieda tal-kriminalità li jkunu f'riskju jistgħu jiġu offruti miżuri ta' protezzjoni speċjali li għandhom ikunu effettivi fl-Unjoni kollha.

Il-Kunsill Ewropew jikkunsidra li l-istabbiliment ta' sistema komprensiva għall-ksib ta' evidenza f'każijiet b'dimensjoni transkonfinali, abbażi tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku, għandu jitkompla. L-istrumenti eżistenti f'dan il-qasam jikkostitwixxu reġim frammentarju. Jinħtieġ approċċ ġdid, ibbażat fuq il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku iżda għandha tiġi kkunsidrata wkoll il-flessibbiltà tas-sistema tradizzjonali ta' assistenza legali reċiproka. Dan il-mudell il-ġdid jista' jkollu ambitu aktar wiesa' u għandu jkopri l-akbar ammont possibbli ta' tipi ta' evidenza, b'kont meħud tal-miżuri kkonċernati.

Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex:

tipproponi sistema komprensiva, wara valutazzjoni tal-impatt, biex jiġu ssostitwiti l-istrumenti eżistenti kollha f'dan il-qasam, inkluża d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/978/ĠAI tat- 18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-Mandat Ewropew għall-Provi sabiex jinkisbu oġġetti, dokumenti u data għall-użu fi proċedimenti f’materji kriminali, li tkopri kemm jista' jkun it-tipi kollha ta' provi u jkun fiha skadenzi għall-infurzar u tillimita kemm jista' jkun ir-raġunijiet għar-rifjut,

tesplora jekk hemmx mezzi oħra biex tiġi ffaċiliata l-ammissibbiltà tal-provi f'dan il-qasam,

tesplora jekk ċerti miżuri investigattivi jistgħux jiġi eżegwiti mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jew dawk ġudizzjarji tal-Istat Membru rikjedenti/emittenti b'kollegament u bi ftehim mal-awtoritajiet tal-istat ta' esekuzzjoni f'konformità mal-Artikolu 89 tat-TFUE, u, fejn meħtieġ, tagħmel il-proposti meħtieġa,

tesplora jekk u kif l-awtoritajiet ta' Stat Membru wieħed jistgħu jiksbu informazzjoni rapidament minn entitajiet privati jew pubbliċi ta' Stat Membru ieħor mingħajr l-użu ta' miżuri koerċitivi u bl-użu tal-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru ieħor,

tesplora r-riżultati tal-evalwazzjoni tal-Mandat Ewropew għall-Provi, u, fejn meħtieġ, tagħmel proposti biex jiżdiedu l-effiċjenza u l-protezzjoni legali għall-individwi fil-proċess ta' konsenja, bl-adozzjoni ta' approċċ gradwali għal strumenti oħra rigward ir-rikonoxximent reċiproku,

tħejji studju komprensiv dwar l-ostakoli legali u amministrattivi eżistenti għall-infurzar transkonfinali ta' pieni u deċiżjonijiet amministrattivi għal reati tat-traffiku fit-toroq u biex tippreżenta, fejn meħtieġ, aktar inizjattivi leġislattivi u non-leġislattivi biex titjieb is-sigurtà fit-toroq fl-Unjoni.

L-Unjoni għandha timmira għas-skambju sistematiku ta' informazzjoni u, bħala mira fit-tul, ir-rikonoxximent reċiproku ta' sentenzi li jimponu ċerti tipi ta' skwalifika.

Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex:

tistudja l-użu ta' skwalifiki fl-Istati Membri u tipproponi lill-Kunsill programm ta' miżuri, inkluż skambju ta' informazzjoni dwar ċerti tipi ta' skwalifiki u, bl-adozzjoni ta' approċċ gradwali, li jagħti prijorità lil każijiet fejn l-iskwalifika tkun l-aktar probabbli li tolqot is-sikurezza personali jew il-ħajja kummerċjali.

Fil-qasam tal-koperazzjoni ġudizzjarja, il-Kunsill Ewropew jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri u l-Eurojust jimplimentaw bir-reqqa d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/426/ĠAI tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar it-tisħiħ tal-Eurojust, li flimkien mat-Trattat ta' Lisbona, toffri opportunità għal żvilupp ulterjuri tal-Eurojust fis-snin li ġejjin, inkluż fir-rigward tal-bidu ta' investigazzjonijiet u r-riżoluzzjoni ta' konflitti ta' kompetenza. Abbażi ta' valutazzjoni tal-implimentazzjoni ta' dan l-istrument, jistgħu jitqiesu possibbiltajiet ġodda f'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat, inkluż l-għoti ta' aktar setgħat lill-membru nazzjonali tal-Eurojust, ir-rinfurzar tas-setgħat tal-Kulleġġ tal-Eurojust jew l-istabbiliment ta' Prosekutur Pubbliku Ewropew.

3.1.2.   Liġi ċivili

Fir-rigward ta' materji ċivili, il-Kunsill Ewropew jikkunsidra li l-proċess tal-abolizzjoni tal-miżuri intermedji kollha (l-exequatur), għandu jitkompla matul il-perijodu kopert mill-Programm ta' Stokkolma. Fl-istess ħin l-abolizzjoni tal-exequatur teħtieġ ser tkun akkumpanjata minn serje ta' salvagwardji, li jistgħu jkunu miżuri fir-rigward ta' liġi proċedurali kif ukoll ta' regoli dwar il-konflitt ta' liġijiet.

Barra minn hekk, ir-rikonoxximent reċiproku għandu jiġi estiż għal oqsma li għadhom mhux koperti iżda li huma essenzjali għall-ħajja ta' kuljum, per eżempju, suċċessjoni u wirt, drittijiet tal-propjetà matrimonjali u l-konsegwenzi marbuta mal-propjetà f'separazzjoni ta' koppji, filwaqt li jittieħed kont tas-sistemi legali tal-Istati Membri, inkluża l-politika pubblika, u t-tradizzjonijiet nazzjonali f'dan il-qasam.

Il-Kunsill Ewropew iqis li l-proċess ta' amonizzazzjoni tar-regoli dwar il-konflitt ta' liġijiet fil-livell tal-Unjoni għandu wkoll jitkompla fejn meħtieġ, f'oqsma bħas-separazzjoni u d-divorzji. Jista' jinkludi wkoll il-qasam tal-liġi dwar il-kumpanniji, il-kuntratti tal-assigurazzjoni u l-garanziji passivi.

Il-Kunsill Ewropew jissottolinja wkoll l-importanza li tinbeda ħidma dwar il-konsolidazzjoni tal-istrumenti adottati s'issa fil-qasam tal-koperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili. L-ewwel u qabel kollox, il-konsistenza tal-leġislazzjoni tal-Unjoni għandha tissaħħaħ bl-integrazzjoni tal-istrumenti eżistenti. L-għan għandu jkun li jiġu żgurati l-koerenza u l-faċilità tal-użu tal-istrumenti, b'hekk tiġi żgurata applikazzjoni aktar effiċjenti u uniformi tagħhom.

Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex:

tivvaluta liema salvagwardji huma meħtieġa biex jakkumpanjaw l-abolizzjoni tal-exequatur u kif dawn jistgħu jiġu integrati;

tivvaluta jekk hemmx raġunijiet għall-konsolidazzjoni u s-simplifikazzjoni sabiex titjieb il-konsistenza tal-leġislazzjoni eżistenti tal-Unjoni;

tagħti segwitu lill-istudju reċenti dwar il-problemi possibbli li jitfaċċaw fir-rigward tad-dokumenti dwar l-istatus ċivili u l-aċċess għal reġistri ta' dokumenti bħal dawn.

Fid-dawl tar-riżultati, il-Kummissjoni tista' tippreżenta proposti adatti b'kont meħud tas-sistemi legali differenti u t-tradizzjonijiet legali fl-Istati Membri. Fil-perijodu qasir tista' tiġi prevista sistema li tippermetti liċ-ċittadini jiksbu faċilment id-dokumenti tagħhom stess dwar l-istatus ċivili. Għat-tul, jista' jiġi kkunsidrat jekk ir-rikonoxximent reċiproku tal-effetti tad-dokumenti dwar l-istatus ċivili jistax ikun adegwat, għall-inqas f'ċerti oqsma. għandu jittieħed kont tal-ħidma żviluppata mill-Kummissjoni Internazzjonali dwar l-Istatus Ċivili.

3.2.   Tisħiħ ta' fiduċja reċiproka

Waħda mill-konsegwenzi tar-rikonoxximent reċiproku hija li d-deċiżjonijiet mogħtija fil-livell nazzjonali jkollhom impatt fl-Istati Membri l-oħra, b'mod partikolari fis-sistemi ġudizzjarji tagħhom. Għalhekk jinħtieġu miżuri mmirati lejn it-tisħiħ ta' fiduċja reċiproka sabiex wieħed jieħu vantaġġ sħiħ minn dawn l-iżviluppi.

L-Unjoni għandha tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri għat-titjib tal-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji tagħhom billi tinkoraġġixxi skambji tal-aħjar prattika u l-iżvilupp ta' proġetti innovattivi relatati mal-modernizzazzjoni tal-ġustizzja.

3.2.1.   Taħriġ

It-taħriġ tal-imħallfin (inkluż l-qrati amministrattivi), il-prosekuturi u persunal ġudizzjarju ieħor huwa essenzjali biex tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka; ara wkoll il-Kapitolu 1.2.6. L-Unjoni għandha tkompli tappoġġa u ssaħħaħ il-miżuri biex jiżdied it-taħriġ f'konformità mal-Artikoli 81 u 82 tat-TFUE.

3.2.2.   Żvilupp ta' netwerks

Il-Kunsill Ewropew iqis li l-kuntatti bejn l-uffiċjali għolja tal-Istati Membri f'oqsma koperti mill-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni huma ta' valur kbir u għandhom jiġu promossi mill-Unjoni kemm jista' jkun. Skont l-istrutturi nazzjonali, oqsma bħal dawn jistgħu jkunu kapijiet għolja tal-pulizija jew prosekuturi, kapijiet ta' istituti ta' taħriġ, kapijiet tal-amministazzjonijiet tal-ħabs, diretturi ġenerali tal-amministrazzjonijiet tad-dwana. Skont il-każ, dawn in-netwerks għandhom ukoll ikunu informati bil-ħidma tal-Kumitat Permanenti dwar is-Sigurtà Interna (COSI), jew ikunu kapaċi jieħdu parti fl-iżvilupp tal-Istima tat-Theddid mill-Kriminalità Organizzata u għodod strateġiċi oħra tal-Unjoni. Netwerks bħal dawn għandhom jiltaqgħu primarjament bl-użu ta' strutturi eżistenti bħall-Europol, l-Eurojust u l-Frontex jew fuq stedina mill-Presidenza bħala pajjiż ospitanti. Netwerks oħra ta' professjonisti eżistenti f'dan il-qasam għandhom ikomplu jirċievu appoġġ mill-Unjoni. Fost dawn huma n-Netwerk Ewropew tal-Kunsilli għall-Ġudikatura u n-Netwerk tal-President tal-Qrati Ġudizzjarji Supremi tal-Unjoni Ewropea.

3.2.3.   Evalwazzjoni

Bħal f'oqsma oħrajn, l-iżvilupp ta' rikonoxximent reċiproku fl-isfera ġudizzjarja għandu jimxi id f'id ma' titjib fl-evalwazzjoni, kemm ex-ante kif ukoll ex-post (Ara wkoll il-Kapitolu 1.2.5).

3.2.4.   Titjib tal-għodod

Il-Kunsill Ewropew jappella għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet u l-għodod operattivi għall-imħallfin, il-prosekuturi u l-atturi l-oħrajn kollha involuti fil-qasam tal-ġustizzja. Għal dak l-għan, il-Kunsill Ewropew jappella għal involviment aktar attiv tal-Eurojust u n-Netwerks Ġudizzjarji Ewropej fil-liġi ċivili u kriminali biex jipparteċipaw fit-titjib tal-koperazzjoni u tal-applikazzjoni effettiva tal-liġi tal-Unjoni mill-prattikanti kollha. Għandha titkompla l-ħidma fuq it-titjib tal-għodod elettroniċi li ġew żviluppati s'issa u għandhom jiġu pprovduti r-riżorsi meħtieġa għat-twettiq ta' din il-ħidma.

3.2.5.   Implimentazzjoni

L-implimentazzjoni ta' deċiżjonijiet li diġà ttieħdu, għandha tkun prijorità għall-Unjoni. Dan għandu jsir b'diversi modi: billi l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-Unjoni tiġi segwita aktar mill-qrib, permezz ta' użu aħjar tal-istrumenti finanzjarji, żieda fit-taħriġ ta' imħallfin u professjonisti oħrajn u tisħiħ tal-mekkaniżmi ta' evalwazzjoni u miżuri prattiċi.

Mingħajr preġudizzju għar-rwol tal-Kummissjoni u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-implimentazzjoni hija prinċipalment kwistjoni tal-Istati Membri, iżda peress li l-istrumenti ta' rikonoxximent reċiproku huma għodod komuni, l-Unjoni għandhom jakkumpanjaw aħjar l-implimentazzjoni tagħhom billi tippermetti l-kondiviżjoni tal-esperjenu l-aħjar prattika.

Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex:

tiżgura l-kondiviżjoni tal-informazzjoni billi tiżviluppa manwali jew skedi informattivi nazzjonali flimkien ma' esperti fil-liġi ċivili u kriminali u l-Istati Membri, dwar l-użu ta' strumenti ta' rikonoxximent reċiproku, bl-istess mod bħal dak li sar għall-Mandat ta' Arrest Ewropew. L-għan għandu jkun li jkun hemm manwal jew skeda nazzjonali informattiva għal kull wieħed mill-istrumenti li ġew adottati s'issa sa tmiem il-perijodu ta' ħames snin.

Il-Kunsill Ewropew jikkunsidra wkoll li l-mezzi moderni kollha ta' komunikazzjoni elettronika għandhom jintużaw bis-sħiħ, u li l-awtoritajiet ġudizzjarji għandhom, mill-iktar fis possibbli, jingħataw mezzi ta' komunikazzjoni elettronika sigura biex tkun possibbli korrispondenza sikura. L-Unjoni għandha wkoll tqiegħed enfasi fuq il-vidjokonferenzi u fuq l-assistenza fl-iżvilupp ta' għodod ta' traduzzjoni sabiex dawn isiru preċiżi kemm jista' jkun. Dawn l-iżviluppi għandhom ikunu akkumpanjati u jiffurmaw parti mill-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni tal-“e-Justice”. Barra minn hekk, filwaqt li jittieħed kont sħiħ tar-regoli għall-protezzjoni tad-data, għandhom jittieħdu miżuri biex tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti sabiex isiru magħrufa l-indirizzi fejn jgħixu l-persuni bħala r-residenza attwali tagħhom, b'rabta man-notifika tad-dokumenti.

3.2.6.   Detenzjoni

Il-Kunsill Ewropew iqis li għandhom isiru sforzi biex tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka u biex il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku isir aktar effiċjenti fil-qasam tad-detenzjoni. Għandhom jissoktaw l-isforzi għall-promozzjoni tal-aħjar prattika u l-implimentazzjoni tar-Regoli Penitenzjarji Ewropej, appoġġata mill-Kunsill tal-Ewropa, għandha tiġi appoġġata. Jistgħu jiġu indirizzat wkoll kwistjonijiet bħall-alternattivi għall-ħabs, il-proġetti pilota dwar id-detenzjoni u l-aħjar prattika fil-ġestjoni tal-ħabsijiet. Il-Kummissjoni hija mistiedna tirrifletti aktar dwar din il-kwistjoni fil-limitu tal-possibbiltajiet offruti mit-Trattat ta' Lisbona.

3.3.   Żvilupp ta' bażi ta' regoli minimi komuni

Safejn ikun meħtieġ biex jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent reċiproku ta' sentenzi u deċiżjonijiet ġudizzjarji u l-koperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali, l-Unjoni tista' tadotta regoli minimi komuni. Il-Kunsill Ewropew jikkunsidra li huwa meħtieġ ċertu livell ta' approssimazzjoni tal-liġijiet biex jitrawwem fehim komuni tal-kwistjonijiet fost l-imħallfin u l-prosekuturi, u b'hekk il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku jkun jista' jiġi applikat sew, b'kont meħud tad-differenzi bejn is-sistemi legali u t-tradizzjonijiet legali tal-Istati Membri.

3.3.1.   Liġi kriminali

Imġiba kriminali; fl-oqsma ta' reati partikolarment serji b'dimensjoni transkonfinali li jirriżultaw min-natura jew l-impatt ta' reati bħal dawn jew minn ħtieġa speċjali li dawn jiġu miġġielda fuq bażi komuni għandhom isiru l-oġġett ta' definizzjonijiet komuni ta’ reati kriminali u livelli minimi komuni ta' sanzjonijiet massimi. Dawn huma r-reati kriminali serji msemmijin fl-Artikolu 83(1) tat-TFUE. Għandha tingħata prijorità lit-terroriżmu, it-traffikar ta' bnedmin, it-traffikar illeċitu ta' drogi, l-isfruttament sesswali tan-nisa u tat-tfal u l-pedopornografija u l-kriminalità permezz tal-kompjuter.

Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex:

teżamina jekk il-livell ta' approssimazzjoni huwiex suffiċjenti fir-rigward tad-deċiżjonijiet qafas adottati u tirrapporta dwar il-ħtieġa li jiġu stabbiliti definizzjonijiet u sanzjonijiet komuni u biex tikkunsidra li tippreżenta proposti leġislattivi ġodda fejn tkun meħtieġa aktar approssimazzjoni.

Għandha tkompli tiġi esplorata r-relazzjoni bejn l-approssimazzjoni tar-reati kriminali jew id-definizzjoni tagħhom u regola dwar il-kriminalità doppja fil-qafas tar-rikonoxximent reċiproku. Il-Kummissjoni hija mistiedna tagħmel rapport lill-Kunsill dwar din il-kwistjoni. Waħda mill-kwistjonijiet tista' tkun il-ħtieġa u l-fattibbiltà tal-approssimazzjoni jew id-definizzjoni tar-reat kriminali li għalih il-kriminalità doppja ma tapplikax.

Għandhom jiġu introdotti dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali meta dawn jitqiesu essenzjali biex jiġu protetti l-interessi u, bħala regola, għandhom jintużaw bħala l-aħħar għażla.

Jistgħu jiġu stabbiliti wkoll regoli minimi dwar id-definizzjoni ta' reati kriminali u ta' sanzjonijiet meta l-approssimazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti kriminali tal-Istati Membri jkunu essenzjali biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva ta' politika tal-Unjoni li kienet suġġetta għal miżuri ta' armonizzazzjoni.

Il-Kunsill Ewropew jenfasizza l-importanza tal-koerenza ta' dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali fid-diversi strumenti tal-Unjoni u jistieden lill-Kunsill biex:

jimplimenta l-ħidma dwar dispożizzjonijiet standard mudell fil-liġi kriminali u lill-Kunsill u l-Kummissjoni biex ikomplu jirriflettu, flimkien mal-Parlament Ewropew, dwar kif itejbu l-koerenza tad-dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali f'diversi strumenti tal-Unjoni;

u lill-Kummissjoni biex:

teżamina l-possibbiltajiet tal-użu ta' programmi eżistenti għall-finanzjament ta' skemi pilota fl-alternattivi ta' ttestjar tal-Istati Membri għal priġunerija.

3.3.2.   Liġi ċivili

L-abolizzjoni tal-exequatur ser tkun akkumpanjata minn serje ta' salvagwardji, partikolarment rigward sentenzi ta' kontumaċja, li jistgħu jkunu miżuri fir-rigward tal-liġi proċedurali kif ukoll tar-regoli dwar il-konflitt ta' liġijiet (per eżempju, id-dritt għal smigħ, in-notifikazzjoni ta' dokumenti, iż-żmien meħtieġ biex jingħataw opinjonijiet, eċċ). L-objettiv ta' politika ewlieni fil-qasam tal-liġi proċedurali ċivili huwa li l-fruntieri ta' bejn l-Istati Membri m'għandhomx jikkostitwixxu ostakolu la għar-riżoluzzjoni ta' materji ċivili, la għall-bidu ta' proċedimenti tal-qorti, u lanqas għall-infurzar ta' deċiżjonijiet f'materji ċivili. Bil-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Tampere u l-programm tal-Aja: it-tisħiħ tal-libertà, sigurtà u ġustizzja, ittieħdu passi maġġuri biex jintlaħaq dan l-għan. Madankollu, il-Kunsill Ewropew jinnota li l-effikaċja tal-istrumenti tal-Unjoni f'dan il-qasam għadhom jeħtieġu titjib.

Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex:

bħala l-ewwel pass, tippreżenta rapport dwar il-funzjonament tar-reġim preżenti tal-Unjoni dwar il-liġi proċedurali ċivili bejn il-fruntieri, u abbażi ta' dak ir-rapport tippreżenta proposta mmirata lejn it-titjib tal-konsistenza tal-leġislazzjoni eżistenti tal-Unjoni;

tivvaluta, anke matul ir-reviżjonijiet li ġejjin tar-regolamenti eżistenti, il-ħtieġa li jiġu stabbiliti standards minimi komuni jew regoli standard ta' proċedura ċivili għall-eżekuzzjoni transkonfinali ta' sentenzi u deċiżjonijiet dwar materji bħan-notifika ta' dokumenti, it-teħid ta' provi, il-proċeduri ta' reviżjoni u l-infurzar, l-istabbiliment ta’ standards minimi fir-rigward tar-rikonoxximent ta' deċiżjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri u, fejn ikun il-każ, tippreżenta proposti dwar dawn il-kwistjonijiet;

tkompli l-ħidma dwar regoli komuni dwar il-konflitt ta' liġijiet, fejn meħtieġ.

3.4.   Benefiċċji għaċ-ċittadini ta’ spazju ġudizzjarju Ewropew

3.4.1.   Faċilitar tal-aċċess għall-ġustizzja

L-aċċess għall-ġustizzja fl-ispazju ġudizzjarju Ewropew għandu jiġi ffaċilitat, b'mod partikolari fi proċedimenti transkonfinali. Fl-istess ħin, għandhom jitkomplew l-isforzi għat-titjib ta' metodi alternattivi għar-riżoluzzjoni ta' disputi, b'mod partikolari fil-liġi tal-konsumatur. Hija meħtieġa azzjoni li tgħin lin-nies jegħlbu l-ostakoli ta' lingwa li jimpedixxu l-aċċess tagħhom għall-ġustizzja.

Il-Kunsill Ewropew jikkunsidra li l-“e-Justice” tippreżenta opportunità eċċellenti biex jiġi pprovdut aċċess aktar faċli għall-ġustizzja. Il-pjan pluriennali ta' azzjoni Ewropew tal-“e-Justice”, adottat mill-Kunsill fl-aħħar ta' Novembru 2008, jistabbilixxi l-qafas għall-iżvilupp ta' attivitajiet tal-“e-Justice” Ewropea sa tmiem l-2013. Il-portal Ewropew tal-“e-Justice” ser ikun mod biex in-nies jiġu informati aħjar dwar id-drittijiet tagħhom u jagħtihom aċċess għal firxa ta' informazzjoni u servizzi dwar id-diversi sistemi ġudizzjarji. Għandu jsir użu aħjar tal-vidjokonferenzi, per eżempju biex jiġi evitat l-isforz ta' vjaġġar bla bżonn u l-istress ta' parteċipazzjoni fi proċedimenti tal-qorti lill-vittmi. F’konformità mar-regoli tal-protezzjoni tad-data, xi reġistri nazzjonali ser ikunu interkonnessi progressivament (per eżempju, ir-reġistri ta' insolvenza, interpreti, tradutturi u testmenti). Xi bażijiet tad-data eżistenti jistgħu jkunu wkoll integrati parzjalment fil-portall (per eżempju, ir-Reġistru Ewropew tal-Impriżi u s-Servizz Ewropew tal-Informazzjoni dwar l-Artijiet). Fit-terminu medju, xi proċeduri transkonfinali Ewropej u nazzjonali jistgħu jiġu ttrattati online (per eżempju, l-ordni ta' ħlas Ewropew, il-proċedura Ewropea għal talbiet żgħar u l-medjazzjoni). Barra minn hekk, l-użu ta' firem elettroniċi għandu jiġi promoss fil-qafas tal-proġett “e-Justice”.

Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex:

joħolqu kondizzjonijiet effettivi biex il-partijiet ikunu jistgħu jikkomunikaw mal-qrati b'mezzi elettroniċi fil-kuntest ta' proċedimenti legali. Għal dak il-fini, għandu jkun hemm formoli dinamiċi disponibbli permezz tal-portal tal-“e-Justice” fir-rigward ta' ċerti proċeduri Ewropej, bħall-proċedura tal-ordni ta' ħlas Ewropea u l-proċedura Ewropea għal talbiet żgħar. Matul din il-fażi, il-komunikazzjoni elettronika bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji għandha tittejjeb ċertament fil-qasam tal-applikazzjoni tal-“e-Justice”.

Il-Kunsill Ewropew jinkoraġġixxi wkoll lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lill-Istati Membri biex:

jiddedikaw sforzi għall-implimentazzjoni sħiħa tal-pjan ta' azzjoni tal-“e-Justice”. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni hija mistiedna tippreżenta proposti fil-qafas tal-perspettivi finanzjarji għal finanzjament adegwat tal-proġetti tal-“e-Justice” u b'mod partikolari proġetti orizzontali tal-IT fuq skala kbira.

Ċerti formalitajiet għal-legalizzazzjoni ta' dokumenti huma wkoll ostakolu jew piż eċċessiv. B'kont meħud tal-possibbiltajiet marbutin mal-użu tat-teknoloġiji l-ġodda, inkluż firem diġitali, l-Unjoni għandha tikkunsidra t-tneħħija tal-formalitajiet kollha għal-legalizzazzjoni ta' dokumenti bejn l-Istati Membri. Fejn ikun il-każ, għandha tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li jinħolqu, f'perijodu fit-tul, dokumenti awtentiċi Ewropej.

Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex:

teżamina l-possibbiltà tat-tneħħija ta' formalitajiet għal-legalizzazzjoni ta' dokumenti bejn l-Istati Membri u tippreżenta proposta għal dan l-għan.

3.4.2.   Appoġġ għall-attività ekonomika

L-ispazju ġudizzjarju Ewropew għandu jservi ta' appoġġ għall-attività ekonomika fis-suq uniku.

Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex:

tivvaluta l-ħtieġa u l-fattibbiltà ta’ provvedimenti għal ċerti miżuri provviżorji, inklużi dawk protettivi, fil-livell tal-Unjoni, għall-prevenzjoni ta', per eżempju, l-għebien ta' assi qabel l-infurzar ta' talba;

tippreżenta proposti adatti għat-titjib tal-effiċjenza tal-eżekuzzjoni ta' sentenzi fl-Unjoni rigward kontijiet bankarji u ta' assi tad-debituri, abbażi tal-Green Papers tal-2006 u l-2008.

Meta jitfasslu miżuri ta' dan it-tip, għandu jittieħed kont tal-impatt li huma ser ikollhom fuq id-dritt għall-privatezza u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali taċ-ċittadini.

Il-Kunsill Ewropew jafferma mill-ġdid li l-qafas ta' referenza komuni għal-liġi Ewropea dwar il-kuntratti għandu jkun sett mhux vinkolanti ta' prinċipji fundamentali, definizzjonijiet u regoli mudell li għandhom jintużaw minn min ifassal il-liġi fil-livell tal-Unjoni għall-iżgurar ta' aktar koerenza u kwalità fil-proċess tat-tfassil tal-liġi. Il-Kummissjoni hija mistiedna tippreżenta proposta dwar qafas ta' referenza komuni.

Il-kriżi finanzjarja attwali enfasizzat il-ħtieġa li s-swieq finanzjarji jiġu rregolati u li jiġi prevenut l-abbuż. Jeħtieġ ukoll li jiġu studjati miżuri ulterjuri rigward il-liġi tan-negozju, u li jinħoloq ambjent regolatorju ċar li jippermetti lill-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju b'mod partikolari, biex jieħdu vantaġġ sħiħ mis-suq intern sabiex ikunu jistgħu jikbru u joperaw lil hinn mill-fruntieri bħalma huma joperaw fis-suq domestiku tagħhom. Jeħtieġ li jiġi esplorat jekk jistgħux jitfasslu regoli komuni li jiddeterminaw il-liġi applikabbli għal materji tal-liġi tal-kumpanniji, ir-regoli dwar insolvenza għall-banek u t-trasferiment ta' talbiet. Il-kwistjoni tal-liġi kuntrattwali wkoll jeħtieġ tiġi eżaminata ulterjorment.

Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex:

tikkunsidra jekk hemmx il-ħtieġa li jittieħdu miżuri f'dawk l-oqsma, u, fejn ikun il-każ, jiġu ppreżentati proposti f'dan ir-rigward.

3.5.   Tisħiħ tal-preżenza internazzjonali tal-Unjoni fil-qasam legali

3.5.1.   Liġi ċivili

Il-Kunsill Ewropew jikkunsidra li definizzjoni ċara tal-interessi esterni u l-prijoritajiet tal-Unjoni fil-qasam tal-koperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili hija importanti ħafna bil-ħsieb ta' interazzjoni ma' pajjiżi terzi f'ambjent legali sigur.

Il-Konvenzjoni ta' Lugano tal-1988 dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta' Sentenzi f'Materji Ċivili u Kummerċjali hija miftuħa għall-adeżjoni ta' Stati oħrajn u l-Unjoni għandha tivvaluta, f'koperazzjoni mal-Partijiet Kontraenti l-oħrajn, liema pajjiżi terzi jistgħu jiġu inkoraġġiti jaderixxu magħha.

L-Unjoni għandha tuża s-sħubija tagħha tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat biex tippromwovi attivament l-adeżjoni l-aktar wiesgħa possibbli għall-aktar Konvenzjonijiet rilevanti u biex toffri l-aktar assistenza possibbli lil Stati oħrajn bil-ħsieb tal-implimentazzjoni tajba ta’ dawn l-istrumenti. Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu lill-pajjiżi sħab kollha biex jaderixxu għal dawk il-Konvenzjonijiet li huma ta' interess partikolari għall-Unjoni.

F'każijiet fejn mhu stabbilit l-ebda qafas legali għal relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-pajjiżi sħab, u fejn l-iżvilupp ta' koperazzjoni multilaterali ġdida mhux possibbli min-naħa tal-Unjoni, l-għażla ta' ftehimiet bilaterali għandha tiġi esplorata, fuq bażi ta' każ b'każ.

Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex

tiddefinixxi strateġija fil-qasam tal-materji ċivili għas-snin li ġejjin, li tkun koerenti mal-politika esterna ġenerali tal-Unjoni.

3.5.2.   Liġi kriminali

Rigward il-qasam tal-liġi kriminali, ser ikun meħtieġ li jiġu identifikati prijoritajiet għan-negozjati ta' assistenza reċiproka u ftehimiet ta' estradizzjoni. L-Unjoni għandha tippromwovi b'mod attiv l-adeżjoni l-aktar wiesgħa possibbli tal-pajjiżi sħab mal-aktar Konvenzjonijiet rilevanti u li jiffunzjonaw u toffri l-aktar assistenza possibbli lil Stati oħrajn bil-ħsieb tal-implimentazzjoni tajba tal-istrumenti. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jiżguraw, sal-ogħla grad possibbli, il-koerenza bejn l-Unjoni u l-ordni ġuridiku internazzjonali. Fejn possibbli, għandha tiġi kkunsidrata sinerġija mal-ħidma tal-Kunsill tal-Ewropa.

Il-Kunsill Ewropew jappella lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, fejn ikun il-każ, biex:

jiżviluppaw politika mmirata lejn l-istabbiliment ta' ftehimiet dwar koperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali ma' pajjiżi terzi ta' interess jew f'organizzazzjonijiet internazzjonali. B'mod partikolari, għandu jittieħed kont tal-kriterji li ġejjin meta jiġu deċiżi l-pajjiżi prijoritarji: relazzjoni strateġika, jekk jeżistux diġà ftehimiet bilaterali, jekk il-pajjiż inkwistjoni jaderixxix mal-prinċipji tad-Drittijiet tal-Bniedem, jekk huwa jikkoperax mal-Unjoni b'mod ġenerali u mal-Istati Membri tagħha, u l-prijoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-koperazzjoni ġudizzjarja;

jappoġġaw materjalment skambji tal-aħjar prattika u l-ġbir komuni ta' esperjenza ma' Stati li mhumiex membri u, b'mod partikolari fir-rigward tal-pajjiżi fit-triq tal-adeżjoni mal-Unjoni, isir użu sħiħ tal-istrumenti li l-Unjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha biex tiġi promossa r-riforma ġudizzjarja u jissaħħaħ l-istat tad-dritt, bħal skemi ta' ġemellaġġ u reviżjonijiet bejn il-pari, anke f'koperazzjoni mal-Kunsill tal-Ewropa;

joffru appoġġ sod lis-sistemi tal-ġustizzja f'pajjiżi sħab sabiex jippromwovu l-istat tad-dritt fid-dinja kollha;

jkomplu jippromwovu l-prinċipju ICC tal-Istatut ta' Ruma ta' komplementarjetà u osservanza tal-obbligi tal-Istatut ta' Ruma.

Il-Kunsill Ewropew jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex:

tippreżenta lill-Kunsill fl-2010 lista ta' pajjiżi li talbu biex jikkonkludu ftehimiet dwar assistenza legali reċiproka u estradizzjoni mal-Unjoni kif ukoll valutazzjoni, abbażi tal-prinċipji msemmijin hawn fuq, tal-adegwatezza u l-urġenza tal-konklużjoni ta' dawn il-ftehimiet ma' dawn il-pajjiżi jew oħrajn.

4.   EWROPA LI TIPPROTEĠI

4.1.   Strateġija tas-Sigurtà Interna

Il-Kunsill Ewropew huwa konvint li t-tisħiħ ta' azzjonijiet fil-livell Ewropew, flimkien ma' koordinazzjoni aħjar ma' azzjonijiet fil-livelli reġjonali u nazzjonali, huwa essenzjali għal protezzjoni minn theddid transnazzjonali. It-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, it-traffikar tad-drogi, il-korruzzjoni, it-traffikar ta' bnedmin, id-dħul klandestin ta' persuni u t-traffikar tal-armi, inter alia, ikomplu jisfidaw is-sigurtà interna tal-Unjoni. Il-kriminalità transkonfinali mifruxa saret sfida urġenti li teħtieġ rispons ċar u komprensiv. L-azzjoni tal-Unjoni ser issaħħaħ il-ħidma mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u ser ittejjeb l-eżitu tal-ħidma tagħhom.

Il-Kunsill Ewropew jappella lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex:

jiddefinixxu strateġija komprensiva ta' sigurtà interna tal-Unjoni ibbażata, b'mod partikolari, fuq il-prinċipji li ġejjin:

ċarezza dwar id-diviżjoni tal-kompiti bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, li tirrifletti viżjoni kondiviża tal-isfidi ta' llum,

rispett għad-drittijiet fundamentali, il-protezzjoni internazzjonali u l-istat tad-dritt,

solidarjetà bejn l-Istati Membri,

riflessjoni ta' approċċ proattiv u ggwidat mill-intelligence,

il-ħtieġa għal approċċ orizzontali u trasversali sabiex ikun possibbli l-indirizzar ta' kriżijiet kumplessi jew diżastri naturali jew dawk ikkawżati mill-bniedem,

koperazzjoni stretta mal-aġenziji tal-Unjoni, inkluż it-titjib ulterjuri tal-iskambju ta' informazzjoni tagħhom,

fokus fuq l-implimentazzjoni u l-integrazzjoni kif ukoll it-titjib ta' azzjoni preventiva,

l-użu ta' inizjattivi reġjonali u koperazzjoni reġjonali,

l-għan li ċ-ċittadini jsiru aktar konxji tal-importanza tal-ħidma tal-Unjoni biex tipproteġihom.

L-iżvilupp, il-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-istrateġija tas-sigurtà interna għandha ssir waħda mill-kompiti prijoritarji tal-COSI stabbilit taħt l-Artikolu 71 tat-TFUE. Sabiex jiġi żgurat l-infurzar effettiv tal-istrateġija tas-sigurtà interna, għandhom ikunu koperti wkoll aspetti tas-sigurtà dwar il-ġestjoni integrata tal-fruntieri u, fejn ikun il-każ, il-koperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali rilevanti għal koperazzjoni operattiva fil-qasam tas-sigurtà interna.

L-istrateġija tas-sigurtà interna għandha tieħu wkoll kont tal-istrateġija tas-sigurtà esterna żviluppata mill-Unjoni kif ukoll permezz ta' linji ta' politika oħrajn tal-Unjoni, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw is-suq intern. Għandu jittieħed kont ukoll tal-impatt li hija jista' jkollha fuq ir-relazzjonijiet mal-pajjiżi fil-viċinat tal-Unjoni u b'mod partikolari mal-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali, billi s-sigurtà interna hija interkonnessa mad-dimensjoni esterna tat-theddid. F'dinja globali, il-kriminalità m'għandha l-ebda fruntiera. Billi l-linji ta' politika segwiti fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja gradwalment jilħqu l-maturità, huma għandhom jappoġġaw lil xulxin u jikbru f'konsistenza. Fis-snin li ġejjin huma għandhom jikkonformaw bla xkiel mal-linji ta' politika l-oħra tal-Unjoni.

Il-Kunsill Ewropew jitlob lill-Kummissjoni:

tikkunsidra l-fattibbiltà tal-istabbiliment ta' Fond għas-Sigurtà Interna biex tiġi promossa l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tas-Sigurtà Interna sabiex issir realtà operattiva.

4.2.   Titjib tal-għodod għall-ħidma

Is-sigurtà fl-Unjoni teħtieġ approċċ integrat fejn il-professjonisti tas-sigurtà jikkondividu kultura komuni, jaqsmu informazzjoni bil-mod l-aktar effettiv possibbli u jkollhom l-infrastruttura teknoloġika adatta biex tappoġġahom.

4.2.1.   Ħolqien ta’ kultura komuni

Il-Kunsill Ewropew jenfasizza l-ħtieġa għal tisħiħ tal-fiduċja reċiproka bejn il-professjonisti kollha kkonċernati fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni. Għandha tiġi żviluppata kultura ġenwina Ewropea tal-infurzar tal-liġi permezz tal-iskambju ta' esperjenzi u prattika tajba kif ukoll l-organizzazzjoni ta' korsijiet u eżerċizzji ta' taħriġ konġunti, f'konformità mal-Kapitolu 1.2.6.

Il-Kunsill Ewropew jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jfasslu mekkaniżmi li jagħtu inċentivi lill-professjonisti biex iwettqu kompiti relatati mal-koperazzjoni transkonfinali u b'hekk jiffavorixxu l-ħolqien ta' rispons mifrux mal-Unjoni kollha fil-livelli kollha.

4.2.2.   Ġestjoni tal-fluss ta' informazzjoni

Il-Kunsill Ewropew jinnota b'sodisfazzjon li l-iżviluppi fl-Unjoni matul is-snin li għaddew, wasslu għal għażla wiesgħa u ħolqu sett ta' għodod estensiv għall-ġbir, l-ipproċessar u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-atturi Ewropej l-oħrajn fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Il-prinċipju tad-disponibbiltà ser ikompli jagħti spinta importanti lil din il-ħidma.

Il-Kunsill Ewropew jirrikonoxxi l-ħtieġa għal koerenza u konsolidazzjoni fl-iżvilupp tal-ġestjoni u l-iskambju ta' informazzjoni u jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex:

jimplimentaw l-Istrateġija ta' Ġestjoni tal-Informazzjoni għas-sigurtà interna tal-UE (4), li tinkludi reġim b'saħħtu għall-protezzjoni tad-data. L-iżvilupp għandu jkun koerenti mal-prijoritajiet stabbiliti għall-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja u l-istrateġija tas-sigurtà interna, li jappoġġa l-viżjoni tan-negozju għall-infurzar tal-liġi, il-koperazzjoni ġudizzjarja, il-ġestjoni tal-fruntieri u l-protezzjoni ċivili.

F'dan il-kuntest, il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex

tivvaluta l-ħtieġa għall-iżvilupp ta' Mudell Ewropew għall-Iskambju ta' Informazzjoni bbażat fuq l-evalwazzjoni tal-istrumenti attwali, inklużi d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI tat- 23 ta' Ġunju 2008 dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI (il-qafas Prüm) u d-Deċiżjoni kwadru tal-Kunsill 2006/960/ĠAI tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar is-simplifikazzjoni ta' l-iskambju ta' informazzjoni u intelligence bejn l-awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea (imsejħa wkoll id-“Deċiżjoni Qafas Svediża”). Dawn il-valutazzjonijiet ser jiddeterminaw jekk dawn l-istrumenti jiffunzjonawx kif kien maħsub oriġinarjament u jilħqux il-miri tal-Istrateġija għall-Ġestjoni ta' Informazzjoni.

L-Istrateġija ta' Ġestjoni tal-Informazzjoni għas-sigurtà interna tal-UE hija bbażata fuq;

żvilupp immexxi min-negozju (żvilupp tal-iskambju ta' informazzjoni u l-għodod tiegħu li jkun iggwidat mill-ħtiġijiet tal-infurzar tal-liġi);

reġim b'saħħtu għall-protezzjoni tad-data, konsistenti mal-istrateġija għall-protezzjoni ta' data personali imsemmija fil-Kapitolu 2;

ġabra ta' data mmirata sew, kemm għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini kif ukoll biex jiġi evitat fluss żejjed ta' informazzjoni għall-awtoritajiet kompetenti;

prinċipji ġwida għal politika dwar l-iskambju ta' informazzjoni ma' pajjiżi terzi għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi;

interoperabbiltà tas-sistemi tal-IT li tiżgura konformità sħiħa mal-prinċipji tal-protezzjoni tad-data u tas-sigurtà tad-data meta jiġu żviluppati dawn is-sistemi;

razzjonalizzazzjoni tal-għodod differenti, inkluż l-adozzjoni ta' pjan ta' negozju għas-sistemi l-kbar tal-IT;

koordinazzjoni, konverġenza u koerenza ġenerali.

L-istrutturi meħtieġa tal-Unjoni u dawk nazzjonali jeħtieġu li jiġu stabbiliti biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni u l-ġestjoni tal-għodod differenti għall-ġestjoni tal-informazzjoni. Il-Kunsill Ewropew jappella wkoll għall-istabbiliment ta' amministrazzjoni, kif proposta mill-Kummissjoni, li jkollha l-kompetenza u l-kapaċità li tiżviluppa teknikament u tamministra sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, kif imsemmi fid-dikjarazzjonijiet konġunti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni f'Diċembru 2006 u Ottubru 2007. Il-Kunsill għandu jikkunsidra kompiti addizzjonali possibbli fid-dawl tal-Istrateġija għall-Ġestjoni ta' Informazzjoni.

B'mod li jirrifletti d-diskussjonijiet fil-Kunsill u l-Parlament Ewropew, bil-ħsieb tal-istabbiliment ta' sistema tal-Unjoni ta’ Rekord tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR), il-Kunsill Ewropew jappella lill-Kummissjoni:

biex tipproponi miżura tal-Unjoni, li tiżgura livell għoli ta' protezzjoni tad-data, dwar il-PNR għall-fini tal-prevenzjoni, l-ittraċċar, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi u kriminalità serja, ibbażata fuq valutazzjoni tal-impatt.

4.2.3.   Mobilizzazzjoni tal-għodod tekonoloġiċi meħtieġa

Filwaqt li tiġi żgurata konsistenza mal-istrateġija għall-protezzjoni ta' data personali msemmija fil-Kapitolu 2, il-Kunsill Ewropew jenfasizza l-ħtieġa għal teknoloġiji ġodda biex jinżamm il-pass u jiġu promossi x-xejriet attwali lejn il-mobilità, filwaqt li jiġi żgurat li n-nies ikunu sikuri, siguri u liberi.

Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew, fejn ikun il-każ, u lill-Istati Membri biex:

ifasslu u jimplimentaw linji ta' politika li jiżguraw livell għoli ta' sigurtà tan-netwerk u tal-informazzjoni fl-Unjoni kollha u jtejbu l-miżuri mmirati lejn il-protezzjoni, t-tħejjija tas-sigurtà u r-reżiljenza ta' infrastruttura kritika, inklużi t-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT) u l-infrastruttura tas-servizzi;

jippromwovu l-leġislazzjoni li tiżgura livell għoli ħafna ta' sigurtà tan-netwerk u tippermetti reazzjonijiet aktar rapidi fil-każ ta' attakki ċibernetiċi.

Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex:

jiżguraw li l-prijoritajiet tal-istrateġija tas-sigurtà interna jkunu mfasslin fuq il-ħtiġijiet reali tal-utenti u jiffokaw fuq it-titjib tal-interoperabbiltà. Ir-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam tas-sigurtà għandhom ikunu appoġġati minn sħubiji pubbliċi-privati.

Il-Kunsill Ewropew jistieden:

lill-Istati Membri biex jimplimentaw is-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni ta' Rekords Kriminali (ECRIS) malajr kemm jista' jkun;

lill-Kummissjoni biex tivvaluta jekk in-netwerking tar-rekords kriminali jagħmilx possibbli l-prevenzjoni ta' reati kriminali (per eżempju, permezz ta' verifiki dwar l-aċċess għal ċerti impjiegi, b'mod partikolari dawk relatati mat-tfal), u jekk hux possibli li jiġi estiż l-iskambju ta' informazzjoni dwar miżuri ta' superviżjoni;

lill-Kummissjoni biex tipproponi, flimkien mal-ECRIS, reġistru taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li ġew sentenzjati mill-qrati tal-Istati Membri.

Il-Kunsill Ewropew ifakkar fil-ħtieġa għall-iżgurar ta' konsistenza mal-istrateġija għall-protezzjoni tad-data personali u l-pjan azjendali, imsemmi fil-Kapitolu 2, għall-istabbiliment ta' sistemi tal-IT fuq skala kbira, u jappella lill-Kummissjoni biex:

tagħmel studju ta' fattibbiltà dwar il-ħtieġa u l-valur miżjud tal-istabbiliment ta' sistema ta' Indiċi Ewropea tar-Rekords tal-Pulizija (EPRIS) u tagħmel rapport lill-Kunsill matul l-2012 dwar din il-kwistjoni;

tirrifletti dwar kif jiġi żviluppat ulterjorment l-użu ta' bażijiet tad-data eżistenti għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi, filwaqt li jiġu rispettati bis-sħiħ ir-regoli tal-protezzjoni tad-data, sabiex isir użu sħiħ ta' teknoloġiji ġodda bil-ħsieb tal-protezzjoni taċ-ċittadini;

teżamina kif l-aħjar jiġi promoss li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jiskambjaw informazzjoni dwar trasgressuri vjolenti li jivvjaġġaw inkluż dawk li jattendu avvenimenti sportivi jew ġabriet pubbliċi kbar.

4.3.   Linji ta' politika effettivi

4.3.1.   Koperazzjoni Ewropea aktar effettiva għall-infurzar tal-liġi

L-objettiv primarju tal-koperazzjoni tal-Unjoni għall-infurzar tal-liġi huwa l-ġlieda kontra l-forom ta' kriminalità li tipikament għandhom dimensjoni transkonfinali. L-attenzjoni m'għandhiex tingħata biss lill-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata iżda wkoll lill-kriminalità transkonfinali mifruxa b'mod wiesa' li għandha impatt sinifikanti fuq il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini tal-Unjoni. L-Europol għandu jsir ċentru għall-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri, fornitur ta' servizzi u pjattaforma għas-servizzi tal-infurzar tal-liġi.

Il-Kunsill Ewropew jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri biex jużaw l-għodda investigattiva ta' Skwadri Investigattivi Konġunti (SIK) kemm jista' jkun f'każijiet adatti. L-Europol u l-Eurojust għandhom jiġu involuti sistematikament f'operazzjonijiet transkonfinali maġġuri u jiġu informati meta jiġu stabbiliti s-SIK. Il-ftehim mudell għall-istabbiliment tas-SIK għandu jiġi aġġornat. L-Europol u l-Eurojust għandhom javvanzaw il-koperazzjoni tagħhom ulterjorment. L-Eurojust għandha tiżgura li l-ħidma tagħha tiġi segwita fil-livell ġudizzjarju. L-Europol u l-Eurojust għandhom jespandu l-ħidma tagħhom ma' pajjiżi terzi speċjalment billi jfittxu rabtiet eqreb mar-reġjuni u l-pajjiżi fil-viċinat tal-Unjoni; L-Europol għandu jaħdem aktar mill-qrib mal-missjonijiet tal-pulizija tal-Politika Komuni ta' Sigurtà u Difiża (PKSD) u jgħin fil-promozzjoni tal-istandards u l-aħjar prattika għall-koperazzjoni Ewropea fl-infurzar tal-liġi f'pajjiżi barra l-Unjoni. Il-koperazzjoni mal-Interpol għandha tiġi avvanzata bil-ħsieb li jinħolqu sinerġiji u tiġi evitata d-duplikazzjoni.

Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni u, fejn ikun il-każ, lill-Kunsill u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà biex:

jeżaminaw kif jista' jiġi żgurat li l-Europol jirċievi informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Uniti, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħmlu użu sħiħ tal-kapaċitajiet tal-Europol;

jeżaminaw kif il-koperazzjoni operattiva tal-pulizija tista' tiġi avvanzata, per eżempju, fir-rigward tal-inkompatibbiltà ta' sistemi ta' komunikazzjoni u tagħmir ieħor, l-użu ta' aġenti taħt kopertura, u fejn meħtieġ, tiġbed konklużjonijiet operattivi għal dan il-għan;

joħorġu, malajr kemm jista' jkun, dokument ta' riflessjoni dwar kif l-aħjar jiġi żgurat li l-attivitajiet tal-Europol jistgħu jiġu skrutinizzati u evalwati mill-Parlament Ewropew, flimkien mal-parlamenti nazzjonali f'konformità mal-Artikoli 85 u 88 tat-TFUE;

jikkunsidraw l-iżvilupp ta' Kodiċi ta' Koperazzjoni tal-Pulizija li jikkonsolida strumenti eżistenti u, fejn meħtieġ, jemendahom u jissimplifikahom;

jagħmlu proposta lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex jadottaw deċiżjoni dwar il-modalitajiet ta' koperazzjoni, inkluż dwar l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-aġenziji tal-Unjoni, b'mod partikolari l-Europol, l-Eurojust u l-Frontex, biex jiġu żgurati l-protezzjoni u s-sigurtà tad-data;

jipproponu miżuri dwar kif l-aġenziji tal-Unjoni f'dan il-qasam jistgħu jikkonkludu arranġamenti operattivi bejniethom u kif huma jistgħu jiżviluppaw il-parteċipazzjoni tagħhom f'inizjattivi reġjonali mmexxijin mill-Istati Membri u f'korpi reġjonali li javvanzaw il-koperazzjoni tal-infurzar tal-liġi;

jaqblu dwar standards ta' kwalità komuni fil-qasam forensiku, inter alia, biex tiġi żviluppata l-aħjar prattika għall-investigazzjonijiet tal-post ta' delitt;

jeżaminaw jekk hemmx ostakoli għal koperazzjoni bejn il-missjonijiet tal-pulizija tal-PKSD u l-Europol u tagħmel proposti adatti biex dawn l-ostakoli jiġu eliminati.

L-Unjoni għandha tippromwovi, inter alia, permezz ta' programmi finanzjarji, proġetti pilota f'koperazzjoni reġjonali transkonfinali dwar attivitajiet operattivi konġunti u/jew valutazzjonijiet tar-riskju transkonfinali, bħaċ-Ċentri Konġunti tal-Pulizija u d-Dwana.

Għandu jiġi implimentat l-iżvilupp ta' koperazzjoni għall-infurzar tal-liġi ad hoc f'avvenimenti sportivi jew ġemgħat kbar ta' nies (per eżempju, il-Olimpijadi 2012, Euro 2012).

4.3.2.   Prevenzjoni aktar effettiva tal-kriminalità

L-aħjar mod li jitnaqqas il-livell tal-kriminalità huwa li jittieħdu miżuri effettivi li jimpedixxuha milli titwettaq, inkluża l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, bl-użu ta' approċċ multidixxiplinari li jinkludi wkoll it-teħid ta' miżuri amministrattivi u l-promozzjoni ta' koperazzjoni bejn l-awtoritajiet amministrattivi. Iċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom esperjenzi simili u huma milqutin b'mod simili mill-kriminalità u n-nuqqas ta' sigurtà relatata fil-ħajja ta' kuljum tagħhom.

Is-sensibilizzazzjoni tar-rabtiet bejn il-kriminalità lokali u l-kriminalità organizzata u d-dimensjonijiet transkonfinali kumplessi tagħha qed tiżdied. L-Istati Membri żviluppaw metodi differenti għall-prevenzjoni tal-kriminalità u għandhom jiġu inkoraġġiti jikkondividu l-esperjenzi u l-aħjar prattika u, meta jagħmlu dan, iżidu l-konoxxenza ġenerali u l-effikaċja u l-effiċjenza rispettivi tagħhom, u b'hekk jevitaw ħidma doppja.

Barra minn hekk, id-dimensjoni transkonfinali tissottolinja l-importanza tat-tisħiħ u l-iżvilupp tal-konoxxenza fil-livell Ewropew dwar kif il-kriminalità fl-Istati Membri hija interkonnessa, biex tappoġġa lill-Istati Membri fit-teħid ta' azzjoni individwali jew konġunta, u biex tappella għal azzjoni mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni meta jkun meħtieġ. Bit-Trattat ta' Lisbona, il-koperazzjoni fil-qasam tal-prevenzjoni tal-kriminalità ser tiġi rikonoxxuta ulterjorment fil-bażi legali l-ġdida.

Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jippromwovu attivament u jappoġġaw il-miżuri tal-prevenzjoni tal-kriminalità filwaqt li jiffokaw fuq il-prevenzjoni ta' kriminalità tal-massa u kriminalità transkonfinali li jolqtu l-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini tagħna f'konformità mal-Artikolu 84 tat-TFUE.

Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta li tibbaża fuq l-evalwazzjoni tal-ħidma mwettqa fin-Netwerk Ewropew għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità (EUCPN) bil-ħsieb li jiġi stabbilit Osservatorju għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità (OPC), li l-kompiti tiegħu jkunu l-ġbir, l-analiżi u d-disseminazzjoni ta' konoxxenza dwar il-kriminalità, inkluża l-kriminalità organizzata (inkluża statistika) u l-prevenzjoni tal-kriminalità, biex l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jiġu appoġġati u promossi meta jieħdu miżuri preventivi u jiskambjaw l-aħjar prattika. L-OPC għandu jibni fuq il-ħidma mwettqa fil-qafas tal-EUCPN u l-evalwazzjoni tiegħu. Huwa għandu jinkludi jew jissostitwixxi l-EUCPN, b'segretarjat allokat f'aġenzija eżistenti tal-Unjoni u jiffunzjona bħala unità separata. Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex:

tippreżenta proposta dwar l-istabbilment tal-OPC sa mhux aktar tard mill-2013.

4.3.3.   Statistika

Statistika adegwata, affidabbli u komparabbli (kemm maż-żmien u bejn l-Istati Membri u r-reġjuni) hija prerekwiżit meħtieġ fost l-oħrajn għad-deċiżjonijiet ibbażati fuq l-evidenza dwar il-ħtieġa għal azzjoni, dwar l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet u dwar l-effikaċja tal-azzjoni.

Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex:

tkompli tiżviluppa għodod statistiċi biex jitkejlu l-kriminalita u l-attivitajiet kriminali u tirrifletti dwar kif tkompli tiżviluppa, wara l-2010, l-azzjonijiet delinejati u parzjalment implimentati fil-Pjan ta' Azzjoni tal-Unjoni għall-2006-2010 dwar l-iżvilupp ta' strateġija komprensiva u koerenti tal-Unjoni biex jitkejlu l-kriminalità u l-ġustizzja kriminali, bil-ħsieb tal-ħtieġa miżjuda għal din l-istatistika f'numru fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja.

4.4.   Protezzjoni kontra l-kriminalità serja u organizzata

4.4.1.   Il-ġlieda kontra l-kriminalità serja u organizzata

Hekk kif il-kriminalità serja tkompli ssir aktar globalizzata, huwa dejjem aktar importanti li l-infurzar tal-liġi jkollha l-abbiltà li taħdem b'mod aktar effettiv lil hinn mill-fruntieri u l-ġurisdizzjonijiet. L-Unjoni tista' ġġib valur miżjud reali lill-ġlieda kontra ċerti tipi ta' theddid li jeħtieġu livell għoli ta' azzjoni koordinata. Il-ġlieda kontra dawn il-fenomini kriminali ser tinvolvi skambju sistematiku ta' informazzjoni, użu mifrux fil-wisa' tal-aġenziji tal-Unjoni u għodod investigattivi u, fejn meħtieġ, l-iżvilupp ta' metodi tekniċi investigattivi u preventivi komuni u iżjed koperazzjoni ma' pajjiżi terzi.

Għaldaqstant, il-Kunsill Ewropew jappella lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex:

jadottaw strateġija għall-kriminalità organizzata, fil-qafas tal-Istrateġija għas-Sigurtà Interna,

jistabbilixxu prijoritajiet fil-politika tal-kriminalità bl-identifikazzjoni tat-tipi ta' kriminalità, li kontrihom ser jiġu skjerati l-għodod li ġew żviluppata, filwaqt li jitkompla l-użu tar-Rapport dwar il-Valutazzjoni tat-Theddid mill-Kriminalità Organizzata (VTKO) u l-verżjonijiet reġjonali tiegħu.

Għandhom jintgħażlu l-fenomini kriminali li għandhom jiġu ttrattati bħala prijorità fil-livell Ewropew. Il-Kunsill Ewropew jikkunsidra li t-tipi ta' kriminalità li ġejjin ħaqqhom prijorità speċjali fis-snin li ġejjin.

4.4.2.   Traffikar tal-bnedmin

It-traffikar tal-bnedmin u d-dħul klandestin ta’ persuni huma reati kriminali serji ħafna li jinvolvu l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u d-dinjità tal-bniedem li l-Unjoni ma tistax tiskuża. Il-Kunsill Ewropew iqis li jinħtieġ li l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar u d-dħul klandestin, jissaħħu u jittejbu. Dan jirrikjedi politika koordinata u koerenti li tmur lil hinn mill-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja u, filwaqt li jittieħed kont ta' forom ġodda ta' sfruttament, jiġu inklużi r-relazzjonijiet esterni, il-koperazzjoni tal-iżvilupp, l-affarijiet soċjali u l-impjieg, l-edukazzjoni u s-saħħa, l-ugwaljanza bejn is-sessi u n-non-diskriminazzjoni. Hija għandha tibbenifika wkoll minn djalogu wiesa' bejn il-partijiet interessati kollha, inkluża s-soċjetà ċivili, u għandha tkun iggwidata minn fehim u riċerka mtejba dwar it-traffikar tal-bnedmin u d-dħul klandestin ta’ persuni fil-livell tal-Unjoni u fil-livell internazzjonali.

F'dan il-kuntest, il-koperazzjoni u l-koordinazzjoni ma' pajjiżi terzi hija ta' importanza kruċjali. Id-Dokument Orjentat lejn Azzjoni dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, adottat mill-Kunsill fit-30 ta' Novembru 2009, għandu jintuża kemm jista' jkun.

Jeħtieġ li l-Unjoni tiżviluppa politika kkonsolidata tagħha stess għal kontra t-traffikar tal-bnedmin filwaqt li timmira li ssaħħaħ ulterjorment l-impenn u l-isforzi tal-Unjoni u l-Istati Membri għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra tali traffikar. Dan jinkludi l-bini u t-tisħiħ ta' sħubiji ma' pajjiżi terzi, it-titjib ta' koordinazzjoni u koperazzjoni fl-Unjoni u mal-mekkaniżmi tad-dimensjoni esterna tal-Unjoni bħala parti integrali ta' din il-politika. Il-progress għandu wkoll jiġi mmonitorjat u COSI għandu jkun informat regolarment dwar il-koordinazzjoni u l-koperazzjoni kontra t-traffikar. Il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin għandha timmobbilizza l-mezzi kollha ta' azzjoni, u tlaqqa' l-prevenzjoni, l-infurzar tal-liġi, u l-protezzjoni tal-vittmi, u tkun imfassla għall-ġlieda kontra t-traffikar ġewwa u barra l-Unjoni.

Il-Kunsill Ewropew għalhekk jistieden lill-Kunsill biex jikkunsidra l-istabbiliment ta' Koordinatur tal-UE Kontra t-Traffikar (EU ATC) u, jekk jiddeċiedi dan, jiddetermina għalhekk il-modalitajiet b'tali mod li l-kompetenzi kollha tal-Unjoni jistgħu jintużaw bl-aħjar mod possibbli sabiex tintlaħaq politika tal-Unjoni kkoordinata u kkonsolidata sew kontra t-traffikar tal-bnedmin.

Il-Kunsill Ewropew jappella:

l-adozzjoni ta' leġislazzjoni ġdida dwar il-ġlieda kontra t-traffikar u l-protezzjoni tal-vittmi;

lill-Kummissjoni biex teżamina jekk il-ftehimiet ad hoc dwar il-koperazzjoni ma' pajjiżi terzi speċifiċi li għandhom jiġu identifikati mill-Kunsill jistgħux ikunu mod biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra t-traffikar u tagħmel proposti għal dak il-għan. B'mod partikolari, dawn il-ftehimiet jistgħu jinvolvu l-użu sħiħ tas-setgħa kollha disponibbli għall-Unjoni, inkluż l-użu ta' programmi finanzjarji, il-koperazzjoni fl-iskambju ta' informazzjoni, il-koperazzjoni ġudizzjarja u l-għodod ta' migrazzjoni;

lill-Europol, bl-appoġġ tal-Istati Membri, biex jintensifika l-appoġġ għall-ġbir ta' informazzjoni u l-analiżi strateġika, li għandhom jitwettqu f'koperazzjoni mal-pajjiżi ta' oriġini u ta’ transitu;

lill-Eurojust biex tintensifika l-isforzi tagħha biex tikkoordina l-investigazzjonijiet imwettqa mill-awtoritajiet tal-Istati Membri fit-traffikar tal-bnedmin;

lill-Kummissjoni biex:

tipproponi miżuri ulterjuri għall-protezzjoni u l-assistenza tal-vittmi permezz ta' sensiela ta' miżuri li jinkludu l-iżvilupp ta' skemi ta' kumpens, ritorn sikur u assistenza għal riintegrazzjoni fis-soċjetà fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom jekk huma jirritornaw volontarjament u dawk relatati mas-soġġorn tagħhom; l-Unjoni għandha tistabbilixxi sħubiji mal-pajjiżi ta' oriġini prinċipali;

tipproponi miżuri koperattivi biex jiġu mobbilizzati servizzi konsulari fil-pajjiżi ta' oriġni bil-għan tal-prevenzjoni tal-ħruġ frodulenti ta' viżi. Kampanji ta' informazzjoni mmirati għall-vittmi potenzjali, speċjalment in-nisa u t-tfal, jistgħu jitwettqu fil-pajjiżi ta' oriġini f'koperazzjoni mal-awtoritajiet hemmhekk;

tipproponi miżuri biex il-kontrolli fuq il-fruntieri jsiru aktar effiċjenti fil-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin, b'mod partikolari t-traffikar tat-tfal.

4.4.3.   Sfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija

Il-protezzjoni tat-tfal mill-periklu ta' abbuż sesswali hi element importanti fl-istrateġija tad-drittijiet tat-tfal.

Il-Kunsill Ewropew jistieden:

lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex jadottaw leġislazzjoni ġdida dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali, l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija,

lill-Kummissjoni biex ladarba tiġi adottata din il-leġislazzjoni, takkumpanjaha b'miżuri appoġġati taħt il-Programm għal Internet Aktar Sikur 2009-2013,

lill-Kummissjoni biex teżamina kif l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jiskambjaw informazzjoni dwar l-aħjar prattika,

lill-Kummissjoni biex tesplora kif l-Unjoni tista' tippromwovi sħubiji mas-settur privat dwar dan is-suġġett u tespandi dawn is-sħubiji privati pubbliċi għas-settur finanzjarju sabiex jiġu sfrattati t-trasferimenti ta' flus relatati ma' siti elettroniċi b'kontenut ta' abbuż għat-tfal,

lill-Kummissjoni biex tibni fuq il-mekkaniżmu tal-allert tat-tfal u tesplora l-ħolqien ta' Netwerk mifrux mal-Unjoni kollha dwar il-ħtif tat-tfal, sabiex tiġi promossa l-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, bil-ħsieb li tiġi żgurata l-interoperabbiltà,

lill-Kummissjoni biex, bil-ħsieb tal-prevenzjoni tal-abbuż tat-tfal, tesplora modi li jsaħħu l-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri b'rispons għall-moviment ta' trasgressuri tas-sess ta' tfal li jkunu magħrufin bħala theddida attwali.

4.4.4.   Ċiberkriminalità

L-Internet iffaċilita b'mod konsiderabbli l-komunikazzjoni u ppromwova l-iżvilupp globali u l-interazzjoni. Fl-istess ħin, tfaċċaw sfidi moderni ġodda fil-forma ta' ċiberkriminalità peress li xi gruppi kriminali ħadu vantaġġ b'mod effettiv tat-teknoloġiji. Konsegwentement, dan jagħmel l-investigazzjonijiet aktar ikkumplikati għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi. Għalhekk l-Unjoni għandha tippromwovi linji ta' politika u leġislazzjoni li jiżguraw livell għoli ħafna ta' sigurtà tan-netwerk u jippermettu reazzjonijiet aktar rapidi fil-każ ta' tfixkil u attakki ċibernetiċi.

L-Istati Membri għandhom jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-2001 tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-Ċiberkriminalità, malajr kemm jista' jkun. Din il-Konvenzjoni għandha ssir il-qafas legali ta' referenza għall-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità fil-livell globali. L-Europol jista' jkollu rwol bħala ċentru ta' riżorsi Ewropew billi joħloq pjattaforma Ewropea għall-identifikazzjoni ta' reati, li għandha tassisti wkoll il-pjattaformi ta' allert nazzjonali tal-Istati Membri għall-iskambju tal-aħjar prattika.

Il-Kunsill Ewropew għalhekk jappella wkoll lill-Istati Membri biex:

jagħtu l-appoġġ sħiħ tagħhom lill-pjattaformi nazzjonali ta' allert responsabbli għall-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità u jenfasizzaw il-ħtieġa għall-koperazzjoni mal-pajjiżi barra mill-Unjoni.

Il-Kunsill Ewropew jistieden:

lill-Kummissjoni biex tieħu miżuri għat-tisħiħ/titjib ta' sħubiji pubbliċi-privati;

lill-Europol biex javvanza analiżi strateġika dwar iċ-ċiberkriminalità.

L-Unjoni għandha wkoll tikkjarifika r-regoli dwar il-ġurisdizzjoni u l-qafas legali applikabbli għall-ispazju ċibernetiku fl-Unjoni, inkluż kif tinkiseb evidenza sabiex jiġu promossi investigazzjonijiet transkonfinali.

Il-Kunsill Ewropew:

jappella lill-Istati Membri biex itejbu l-koperazzjoni ġudizzjarja f'każijiet ta' ċiberkriminalità;

jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel proposti biex jiġi kkjarifikat, fejn meħtieġ, il-qafas legali dwar l-investigazzjonijiet fl-ispazju ċibernetiku fl-Unjoni.

Il-koperazzjoni għandha ssir aktar effiċjenti fir-rigward tal-bejgħ ta' farmaċewtiċi foloz fuq l-Internet.

4.4.5.   Kriminalità ekonomika u korruzzjoni

L-Unjoni għandha tnaqqas in-numru ta' opportunitajiet disponibbli għall-kriminalità organizzata bħala riżultat ta' ekonomija globalizzata, b'mod partikolari matul il-kriżi li qed tintensifka l-vulnerabbiltà tas-sistema finanzjarja, u talloka r-riżorsi adatti biex dawn l-isfidi jintlaħqu b'mod effettiv.

Il-Kunsill Ewropew jappella lill-Istati Membri u, fejn ikun il-każ, lill-Kummissjoni biex:

isaħħu l-kapaċità għall-investigazzjonijiet finanzjarji u jikkombinaw l-istrumenti kollha disponibbli fil-liġi fiskali, ċivili u kriminali. L-analiżi finanzjarja forensika għandha tiġi żviluppata bi ġbir tar-riżorsi, b'mod partikolari għat-taħriġ. Il-konfiska tal-assi tal-kriminali għandha ssir dejjem aktar effiċjenti u għandha tissaħaħ aktar il-koperazzjoni bejn l-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi;

jidentifikaw l-assi tal-kriminali b'mod aktar effettiv u jissekwestrawhom u, kull fejn possibbli, jikkunsidraw li jużawhom mill-ġdid fejn jinsabu fl-Unjoni;

jiżviluppaw ulterjorment l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (UIF), fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. Fil-qafas tas-Sistema Ewropea ta' Ġestjoni tal-Informazzjoni, l-analiżijiet tagħhom jistgħu jidħlu f'bażi tad-data dwar transazzjonijiet suspettużi, per eżempju fl-Europol;

jimmobilizzaw u jikkoordinaw sorsi ta' informazzjoni biex jidentifikaw transazzjonijiet ta' flus suspettużi u jikkonfiskaw ir-rikavati mill-kriminalità f'konformità mal-Konvenzjoni tal-1990 tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ħasil tal-Flus, l-Intraċċar, il-Qbid u l-Konfiska tar-Rikavati mill-Kriminalità, per eżempju permezz ta' leġislazzjoni li tiddetermina jekk ir-rikavati ikunux leġittimi jew le;

itejbu l-prosekuzzjoni tal-evażjoni tat-taxxi u l-korruzzjoni fis-settur privat u l-kxif bikri tal-abbuż ta' suq frodulenti (bħall-informazzjoni privileġġata u l-manipulazzoni tas-suq), kif ukoll il-misapproprjazzjoni ta' fondi;

jiffaċilitaw l-iskambju tal-aħjar prattika fil-prevenzjoni u l-infurzar tal-liġi, b'mod partikolari fil-qafas tan-Netwerk tal-Uffiċċju għall-Irkupru tal-Assi u n-Netwerk Kontra l-Korruzzjoni.

Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex:

tiżviluppa indikaturi, abbażi tas-sistemi eżistenti u l-kriterji komuni, biex jitkejlu l-isforzi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, b'mod partikolari fl-oqsma tal-acquis (l-akkwist pubbliku, il-kontroll finanzjarju, eċċ) u tiġi żviluppta politika komprensiva kontra l-korruzzjoni, f'koperazzjoni mill-qrib mal-Grupp tal-Kunsill tal-Ewropa ta' Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO). Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport fl-2010 lill-Kunsill dwar il-modalitajiet għall-Unjoni biex taderixxi mal-GRECO;

bil-ħsieb tal-prevenzjoni tal-kriminalità finanzjarja, tikkunsidra miżuri biex tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni ta' sidien benefiċjarji tal-assi u żżid it-traspsarenza ta' persuni legali u arranġamenti legali;

iżżid il-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qafas tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni (UNCAC), il-GRECO u l-ħidma tal-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni Ekonomika u Żvilupp (OECD) fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

tirrifletti dwar kif ittejjeb il-prevenzjoni ta' kriminalità finanzjarja.

Il-falsifikazzjoni jippreżenta periklu serju għall-konsumaturi u għall-ekonomiji. L-Unjoni għandha tagħmel iżjed studji dwar dan il-fenomenu u tiżgura li jitteħed kont akbar tal-aspetti tal-infurzar tal-liġi fil-ħidma tal-Osservatorju futur Ewropew dwar il-Falsifikazzjoni u l-Piraterija. Il-Kunsill Ewropew jappella lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex malajr kemm jista' jkun, jikkunsidraw leġislazzjoni possibbli dwar miżuri kriminali u jiżguraw l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali.

4.4.6.   Drogi

L-istrateġija tal-Unjoni dwar id-Drogi (2005-2012) tippromwovi approċċ globali u bilanċjat, ibbażat fuq it-tnaqqis simultanju tal-provvista u d-domanda. Din l-istrateġija ser tiskadi matul il-programm ta' Stokkolma. Hija għandha tiġi mġedda abbażi ta' evalwazzjoni dettaljata tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drogi għall-2009-2012, imwettaq mill-Kummissjoni bl-appoġġ taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga u l-Europol.

Din l-Istrateġija mġedda għandha tkun mibnija fuq tliet prinċipji:

it-titjib tal-koordinazzjoni u l-koperazzjoni bl-użu tal-mezzi kollha disponibbli taħt it-Trattat ta' Lisbona, u b'mod partikolari fil-Balkani tal-Punent, l-Amerika Latina, l-Afrika, pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, l-Afrika tal-Punent, ir-Russja, l-Asja Ċentrali inkluż l-Afganistan u l-Istati Uniti;

il-mobilizzazzjoni tas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari bir-rinfurzar ta' inizjattivi bħall-Azzjoni Ewropea dwar id-Drogi;

il-kontribut għar-riċerka u t-taqbil ta' informazzjoni biex jinkiseb aċċess għal data affidabbli.

Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiżguraw li l-Istrateġija dwar id-Drogi l-ġdida tappoġġa l-Istrateġija tal-Unjoni dwar is-Sigurtà Interna u tingħaqad ma' strumenti ta’ politika relatati oħrajn bħall-OCTA, l-Istrateġija futura dwar il-Kriminalità Organizzata u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità serja u organizzata.

4.5.   Terroriżmu

Il-Kunsill Ewropew jikkunsidra li t-theddid mit-terroristi jibqa' sinifikanti u qed jevolvi kontinwament f'rispons kemm għat-tentattivi tal-komunità internazzjonali biex tiġġilidlu kif ukoll għall-opportunitajiet li jiġu ppreżentati. Aħna għandna dejjem inkunu ppreparati kontra dawn il-kriminali atroċi.

Ir-rispett għall-Istat tad-Dritt, id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali hu wieħed mill-bażijiet għall-ħidma ġenerali tal-Unjoni kontra t-terroriżmu. Għandhom jittieħdu miżuri fil-ġlieda kontra t-terroriżmu fil-qafas ta' rispett sħiħ għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali sabiex huma ma joħolqux sfidi. Barra minn hekk, il-partijiet kollha kkonċernati għandhom jevitaw li jistigmattizaw kwalunkwe grupp partikolari ta' nies, u għandhom jiżviluppaw djalogu interkulturali sabiex jiġu promossi s-sensibilizzazzjoni u l-fehim reċiproku.

L-Unjoni għandha tiżgura li l-għodod kollha jiġu mmobbilizzati fil-ġlieda kontra t-terroriżmu filwaqt li d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali jkunu rrispettati bis-sħiħ. Il-Kunsill Ewropew jafferma mill-ġdid l-istrateġija tiegħu kontra t-terroriżmu li tikkonsisti minn erba' element ta' ħidma - prevenzjoni, segwiment, protezzjoni u rispons - u jitlob għal tisħiħ tal-element ta' prevenzjoni.

Il-Kunsill Ewropew jafferma mill-ġdid l-importanza tar-rwol tal-Koordinatur tal-Unjoni għal Kontra t-Terroriżmu fl-iżgurar tal-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-istrateġija ta' Kontra t-Terroriżmu, fil-koordinament ta' ħidma fl-Unjoni għal Kontra t-Terroriżmu, u fit-trawwim ta' komunikazzjoni aħjar bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi.

Il-Kunsill Ewropew jappella:

lill-Istati Membri biex jiżviluppaw mekkaniżmi ta' prevenzjoni, b'mod partikolari biex ikun jistà jsir kxif bikri ta' sinjali ta' radikalizzazzjoni jew theddid, inkluż it-theddid minn estremiżmu militanti u vjolenti;

lill-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Istati Membri biex itejbu l-inizjattivi kontra r-radikalizzazzjoni fil-popolazzjonijiet vulnerabbli kollha abbażi ta' evalwazzjoni tal-effikaċja tal-linji ta' politika nazzjonali; l-Istati Membri għandhom jidentifikaw l-aħjar prattika u l-għodod operattivi speċifiċi li għandhom ikunu kondiviżi ma' Stati Membri oħra. L-oqsma ġodda ta' ħidma jistgħu jinkludu l-integrazzjoni u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni;

lill-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-gvernijiet u l-Kummissjoni, flimkien mas-soċjetà ċivili, biex isaħħu l-isforzi tagħhom u jikkoperaw anke aktar mill-qrib, speċjalment fil-livell lokali sabiex jifhmu l-fatturi kollha abbażi tal-fenomenu u jippromwovu strateġiji li jinkoraġġixxu lin-nies biex jirrinunzjaw it-terroriżmu. Għal dak l-għan, għandu jiġi stabbilit netwerk ta' professjonisti lokali u għandhom jiġu żviluppati netwerks għall-iskambju tal-prattika dwar il-prevenzjoni.

Il-Kunsill Ewropew jenfasizza l-importanza ta' fehim aħjar tal-metodi użati għad-disseminazzjoni ta' propoganda terroristika, inkluż fuq l-Internet. Dan ser jeħtieġ riżorsi tekniċi u konoxxenza aħjar. Għandha tiġi żviluppata l-ħidma dwar is-sigurtà marittima u tal-avjazzjoni, flimkien mal-analiżi tat-theddid, f'koperazzjoni mill-qrib mal-operaturi tat-trasport biex jiġi mitigat l-impatt fuq il-pubbliku li jivvjaġġa. Għandha tingħata aktar attenzjoni lill-miri potenzjali bħat-transitu urban tal-massa u n-netwerks ta' ferroviji b'veloċità għolja, kif ukoll lill-infrastrutturi tal-enerġija u tal-ilma.

Il-Kunsill Ewropew jikkunsidra li l-istrumenti għall-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu għandhom jiġu adatti għall-vulnerabbilitajiet potenzjali l-ġodda tas-sistema finanzjarja, kif ukoll il-kuntrabandu ta' flus u l-abbuż ta' servizzi tal-flus, u għall-metodi ta' ħlas il-ġodda użati mit-terroristi.

Il-Kunsill Ewropew jappella lill-Kummissjoni biex:

tippromwovi iżjed trasparenza u responsabbiltà għall-organizzazzjonijiet ta' karità bil-ħsieb li tiġi żgurata l-kompatibbiltà mar-Rakkomandazzjoni Speċjali (SR) VIII tat-Task Force tal-Azzjoni Finanzjarja (FATF);

tieħu kont tal-metodi ta' ħlas ġodda fl-elaborazzjoni/aġġornament tal-miżuri Kontra l-Iffinanzjar tat-Terroriżmu;

teżamina l-possibbiltajiet ta' ritraċċar ta' finanzjament ta' terroristi fl-Unjoni;

tippreżenta miżuri biex jitjieb il-feedback lill-istituzzjonijiet finanzjarji dwar l-eżitu tal-koperazzjoni tagħhom fil-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu.

L-Unjoni għandha tiżgura li l-linji ta' politika tagħha huma f'konformità sħiħa mad-dritt internazzjonali, b'mod partikolari l-liġi tad-drittijiet tal-bniedem. Hija ser ikollha rwol attiv fil-ġlieda kontra t-terroriżmu f'forums multilaterali differenti, u b'mod partikolari fin-Nazzjonijiet Uniti (NU), fejn hija ser tkompli taħdem ma' sħab lejn Konvenzjoni Komprensiva dwar it-Terroriżmu Internazzjonali u lejn it-tisħiħ tat-tfassil, l-implimentazzjoni u l-effikaċja ta' sanzjonijiet mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU bil-ħsieb li jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u jiġu żgurati proċeduri ġusti u ċari. Jeħtieġ li tissaħħaħ il-koperazzjoni ma' pajjiżi terzi inġenerali u fl-organizzazzjonijiet internazzjonali.

Sabiex ikun possibbli li t-theddid jiġi analizzat fil-livell Ewropew, għandha tiġi stabbilita metodoloġija bbażata fuq parametri komuni. Għandu jsir użu sħiħ tal-Europol, is-SitCen u l-Eurojust fil-ġlieda kontra t-terroriżmu.

Il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar it-Tisħiħ tas-Sigurtà fl-użu tal-Isplussivi għandu jiġi implimentat u għandha tingħata informazzjoni aħjar dwar is-sikurezza tal-isplussivi. Għandu jiġu żviluppat qafas leġislattiv biex jindirizza l-perikli assoċjati mal-prekursuri.

4.6.   L-Immaniġġar, komprensiv u effikaċi, mill-Unjoni tad-Diżastri: it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-Unjoni għall-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons ta' kull tip ta' diżastru

Id-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem bħan-nirien tal-foresti, it-terrimoti, l-għargħar u t-tempesti, kif ukoll l-attakki terroristiċi, qed dejjem aktar jaffettwaw is-sikurezza u s-sigurtà taċ-ċittadini u jeħtieġu aktar żvilupp tal-azzjoni tal-Unjoni fl-immaniġġar tad-diżastri.

L-immaniġġar mill-Unjoni tad-diżastri għandha tkun ibbażata fuq approċċ integrat, li jkopri ċ-ċiklu kollu tad-diżastru li jinkludi l-prevenzjoni, l-istat ta' tħejjija, ir-rispons u l-irkupru għall-azzjonijiet kemm ġewwa kif ukoll barra mill-Unjoni.

L-immaniġġar mill-Unjoni tad-diżastri hi mibnija fuq żewġ prinċipji ewlenin: ir-responsabbiltà tal-Istati Membri biex jipprovdu liċ-ċittadini tagħhom bil-protezzjoni meħtieġa bil-ħsieb ta' riskji u theddid eżistenti, u solidarjetà fost l-Istati Membri biex jassistu lil xulxin kemm qabel, matul kif ukoll wara d-diżastri, jekk il-katastrofi jegħlbu l-kapaċitajiet nazzjonali jew jolqtu aktar minn Stat Membru wieħed. Il-Kunsill Ewropew jikkunsidra li l-azzjoni futura tal-Unjoni għandha tkun iggwidata mill-objettivi li titnaqqas il-vulnerabbiltà għad-diżastri billi jiġi żviluppat approċċ strateġiku għall-prevenzjoni tad-diżastri u billi jitjiebu aktar l-istat ta tħejjija u r-rispons filwaqt li tiġi rrikonoxxuta r-responsabbiltà nazzjonali. Il-linji gwida għall-metodi, il-valutazzjonijiet u l-analiżi tal-identifikazzjoni tal-perikli u r-riskji għandhom jiġu żviluppati, kif ukoll bħala ħarsa ġenerali tar-riskji naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem li l-Unjoni tista' tiffaċċa fil-futur. Meħtieġa sforzi kontinwi biex jissaħħaħ il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili u jittejbu l-istrumenti tal-protezzjoni ċivili, inkluż id-disponibbiltà, l-interoperabbiltà u l-użu ta' u l-appoġġ għall-koordinazzjoni ta' assistenza anke barra t-territorju tal-Unjoni f'okkażjonijiet ta' emerġenzi serji li jinvolvu ċittadini tal-Unjoni li jinsabu barra minnha. Iċ-Ċentru ta' Monitoraġġ u Informazzjoni (MIC) għandu jissaħħaħ biex titjib il-koordinazzjoni tal-assistenza tal-Istati Membri, jiġu pprovduti l-identifikazzjoni u l-appoġġ analitiku lill-Istati Memebri għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ulterjuri tal-moduli tal-protezzjoni ċivili nazzjonali u multinazzjonali u jiġu żviluppati taħriġ u eżerċizzji bħala kontribut għal rispons effiċjenti tal-Unjoni għad-diżastri.

It-tnaqqis tal-vulnerabbiltà għall-attakki hu wieħed mill-objettivi maġġuri segwiti mill-azzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-Infrastruttura Kritika tal-Unjoni. Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE tat-8 ta’ Diċembru 2008 dwar l-identifikazzjoni u l-indikazzjoni ta’ l-Infrastruttura Kritika Ewropea u l-valutazzjoni tal-ħtieġa għat-titjib tal-ħarsien tagħhom, meta tiġi implimentata, għandha eventwalment tiġi analizzata u riveduta biex tiġi kkunsidrata l-possibbiltà tal-inklużjoni ta' aktar setturi ta' politika addizzjonali.

Ir-riskju kimiku, bijoloġiku, radjoloġiku u nukleari (KBRN), u b'mod partikolari t-theddida li gruppi terroristiċi jużaw materjali KBRN, wasslet għal azzjoni fil-livelli nazzjonali u dak tal-Unjoni. L-għan ġenerali tal-politika dwar is-sigurtà tal-KBRN hi li tiġi ppreżentata strateġija Ewropea effettiva, rilevanti u pprijorizzata biex tissaħħaħ il-protezzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni mill-inċidenti li jinvolvu l-materjali KBRN. Sabiex jinkiseb dan il-għan, hija vitali l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni UE dwar il-KBRN ibbażat fuq approċċ għall-perikli kollha, inklużi l-azzjonijiet tal-prevenzjoni, il-kxif, it-tħejjija u r-rispons għal inċidenti akbar b'materjali tal-KBRN ta' riskju għoli.

Ir-riċerka ser tkun dejjem ta' aktar importanza biex jiġu appoġġati l-oqsma kollha tal-immaniġġar tad-diżastri. Jeħtieġ li jiġu analizzati l-possibbiltajiet għar-riċerka fis-Seba' Programm Qafas għar-riċerka u u żvilupp teknoloġiku għall-perijodu 2007 sa 2013 u fil-programmi qafas segwenti u għandhom isiru proposti adatti biex jiġi appoġġat dak il-għan.

Il-koperazzjoni mill-qrib ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, b'mod partikolari n-Nazzjonijiet Uniti, li għandha rwol ta' koordinazzjoni ġenerali fir-rispons umanitarju internazzjonali, għandha tkompli tkun prijorità għal intervenzjonijiet ma' pajjiżi terzi, kemm fuq il-bażi kif ukoll fir-rigward tat-tlestija (taħriġ, eżerċizzji konġunti). F'konformità mal-Konsensus Ewropew tal-2007 dwar l-Għajnuna Umanitarja, il-koordinazzjoni u r-rwol qawwija tal-Unjoni ser itejbu r-rispons umanitarju internazzjonali b'mod ġenerali, inklużi l-isforzi miftiehma għat-titjib tas-sistema umanitarja, u jirrinforzaw ukoll l-ambizzjoni tal-Unjoni biex taħdem mill-qrib ma' atturi umanitarji oħrajn. Is-sikurezza u s-sigurtà tal-Unjoni jeħtieġu djalogu u koperazzjoni kontinwi ma' pajjiżi terzi, u b'mod partikolari ma' pajjiżi fil-viċinat u pajjiżi b'perspettiva ta' Stat Membru. L-inizjattivi dejjem jiżdiedu tal-Unjoni biex tissaħħaħ il-koperazzjoni reġjonali, per eżempju għall-Mediterran, iż-żona tal-Baħar Baltiku u r-Reġjun tal-Baħar l-Iswed, kif ukoll is-sħubija tal-Lvant, huma mfasslin biex jikkontribwixxu għal dan.

5.   AĊĊESS GĦALL-EWROPA F'DINJA GLOBALIZZATA

5.1.   Ġestjoni integrata tal-fruntieri esterni

L-Unjoni għandha tkompli tiffaċċilita l-aċċess legali għat-territorju tal-Istati Membri tagħha filwaqt li b'mod parallel jittieħdu miżuri għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u l-kriminalità transkonfinali u jinżamm livell għoli ta' sigurtà. It-tisħiħ tal-kontrolli fuq il-fruntieri ma għandux jipprevjeni l-aċċess għal sistemi ta' protezzjoni minn dawk il-persuni intitolati li jibbenefikaw minnhom, u speċjalment nies u gruppi li jkunu f'sitwazzjonijiet vulnerabbli. F'dan ir-rigward, ser tingħata prijorità lil dawk li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u lill-akkoljenza ta' minorenni mhux akkumpanjati. Huwa essenzjali li l-attivitajiet tal-Frontex u tal-EASO ikunu kkoordinati f'dak li jirrigwarda l-akkoljenza ta' migranti fil-fruntieri esterni tal-Unjoni. Il-Kunsill Ewropew jappella għall-iżvilupp ulterjuri ta' ġestjoni integrata tal-fruntieri, inkluż it-tisħiħ tar-rwol tal-Frontex sabiex tiżdied il-kapaċità tagħha biex tirrispondi b'mod aktar effettiv għall-flussi ta' migrazzjoni li dejjem jinbidlu.

Għalhekk, il-Kunsill Ewropew:

jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposti sa mhux aktar tard mill-bidu tal-2010 biex jiġi kkjarifikat il-mandat u jissaħħaħ ir-rwol tal-Frontex, b'kont meħud tar-riżultati tal-evalwazzjoni tal-Aġenzija u r-rwol u r-responsabbilitajiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-kontroll fuq il-fruntieri. L-elementi ta' dawn il-proposti jista' jkun fihom tħejjija ta' proċeduri operattivi komuni ċari li jkun fihom regoli ċari ta' impenn għal operazzjonijiet konġunti fuq il-baħar, bil-ħsieb li tkun żgurata l-protezzjoni għal dawk fil-bżonn li jivvjaġġaw fi flussi mħalltin, f'konformità mad-dritt internazzjonali, kif ukoll li jkun hemm iżjed koperazzjoni operattiva bejn il-Frontex u l-pajjiżi ta' oriġini u ta' transitu u li tiġi eżaminata l-possibbiltà ta' skeda regolari ffinanzjata minn Frontex. Sabiex jiġi promoss l-infurzar tajjeb tal-qafas statutorju applikabbli għall-operazzjonijiet tal-Frontex, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-inklużjoni ta' mekkaniżmu għar-rappurtar u r-reġistrar ta' inċidenti li jistgħu jiġu segwiti b'mod sodisfaċenti mill-awtoritajiet rilevanti;

jistieden lill-Frontex sabiex hija stess tikkunsidra, fil-mandat tagħha, l-istabbiliment ta' uffiċċji reġjonali u/jew speċjalizzati biex jittieħed kont tad-diversità tas-sitwazzjonijiet, b'mod partikolari għall-fruntiera tal-art fil-Lvant u l-fruntiera tal-baħar f'Nofsinhar. Il-ħolqien ta' dawn l-uffiċċji m'għandu bl-ebda mod jimmina l-unità tal-aġenzija Frontex. Qabel jinħolqu dawn l-uffiċċji, il-Frontex għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar l-intenzjonijiet tagħha;

jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti bidu għal dibattitu dwar l-iżvilupp għal perijodu fit-tul tal-Frontex. Dan id-dibattitu għandu jinkludi, kif previst fil-programm tal-Aja, il-fattibbiltà tal-ħolqien ta' sistema Ewropea ta' gwardjani tal-fruntiera;

jistieden lill-EASO biex jiżviluppa metodi biex jiġu identifikati aħjar dawk li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali fi flussi mħallta, u biex jikkopera mal-Frontex kull fejn possibbli;

jikkunsidra li l-evalwazzjoni taż-żona Schengen ser tkompli tkun ta' importanza ewlenija u li hija għandha għalhekk tiġi mtejba permezz tat-tisħiħ tar-rwol tal-Frontex f'dan il-qasam;

jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jappoġġaw it-tisħiħ tal-bini ta' kapaċitajiet f'pajjiżi terzi sabiex ikunu jistgħu jikkontrollaw il-fruntieri esterni tagħhom b'mod effiċjenti.

Il-Kunsill Ewropew jistenna b'interess l-iżvilupp gradwali kontinwu tas-Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri (Eurosur) fil-fruntieri ta' Nofsinhar u tal-Lvant, bil-ħsieb li tiġi stabbilita sistema li tuża teknoloġiji moderni u li tappoġġa lill-Istati Membri, filwaqt li tippromwovi l-interoperabbiltà u standards uniformi għas-sorveljanza tal-fruntieri u tiżgura li tkun stabbilita l-koperazzjoni meħtieġa bejn l-Istati Membri u mal-Frontex biex tiġi kondiviża mingħajr dewmien id-data meħtieġa għas-sorveljanza. Dan l-iżvilupp għandu jieħu kont tal-ħidma f'oqsma rilevanti oħra tal-Politika Marittima Integrata għall-Unjoni kif ukoll ikun jista' fit-terminu medju li jagħmel possibbli l-koperazzjoni ma' pajjiżi terzi. Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel il-proposti meħtieġa biex dawn l-objettivi jintlaħqu.

Il-Kunsill Ewropew jieħu nota tal-istudji li għaddejjin bħalissa tal-Istati Membri u l-Frontex fil-qasam tal-kontroll awtomatizzat fuq il-fruntieri u jinkoraġġixxihom biex ikomplu l-ħidma tagħhom sabiex jistabbilixxu l-aħjar prattika bil-ħsieb tat-titjib tal-kontrolli fuq il-fruntieri fil-fruntieri esterni.

Il-Kunsill Ewropew jistieden ukoll lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jesploraw kif tipi ta' verifiki differenti mwettqa fuq il-fruntiera esterna jistgħu jiġu kkoordinati, integrati u razzjonalizzati aħjar bil-għan tal-objettiv doppju li jiġi ffaċilitat l-aċċess u titjieb is-sigurtà. Barra minn hekk, il-potenzjal tal-iskambju mtejjeb ta' informazzjoni u l-koperazzjoni eqreb bejn l-awtoritajiet tal-għassa tal-fruntiera u awtoritajiet oħra tal-infurzar tal-liġi li jaħdmu ġewwa t-territorju għandu jiġi esplorat, biex tizdied l-effiċjenza għall-partijiet kollha involuti u għall-ġlieda aktar effettiva kontra l-kriminalità transkonfinali.

Il-Kunsill Ewropew jikkunsidra li t-teknoloġija tista' jkollha rwol prinċipali fit-titjib u t-tisħiħ tas-sistema tal-kontrolli fuq il-fruntieri esterni. Għalhekk, il-bidu operattiv tat-Tieni Ġenerazzjoni tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS II) u l-introduzzjoni (roll-out) tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) jibqgħu objettiv prinċipali u l-Kunsill Ewropew jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li issa dawn isiru operattivi bis-sħiħ f'konformità mal-iskedi ta' żmien li għandhom jiġu stabbiliti għal dak il-għan. Qabel ma jinħolqu sistemi ġodda, għandha ssir evalwazzjoni ta' dawn is-sistemi u ta' oħrajn eżistenti u għandu jittieħed kont tad-diffikultajiet li nstabu meta huma ġew stabbiliti. L-istabbiliment ta' amministrazzjoni għal sistemi tal-IT fuq skala kbira, jista' jkollu rwol ċentrali fl-iżvilupp possibbli ta' sistemi tal-IT fil-futur.

Il-Kunsill Ewropew huwa tal-fehma li sistema elettronika għar-reġistrar tad-dħul fi u l-ħruġ mill-Istati Membri tista' tikkomplimenta s-sistemi eżistenti, sabiex tippermetti lill-Istati Membri jikkondividu data b'mod effettiv filwaqt li jkunu garantiti r-regoli tal-protezzjoni tad-data. L-introduzzjoni tas-sistema fil-fruntieri tal-art jixirqilha attenzjoni speċjali u l-implikazzjonijiet għall-infrastruttura u l-linji tal-fruntiera għandhom jiġu analizzati qabel l-implimentazzjoni.

Il-possibilitajiet ta' teknoloġiji ġodda u interoperabbli għandhom potenzjal kbir biex il-ġestjoni tal-fruntieri ssir aktar effiċjenti kif ukoll aktar sigura iżda m'għandhomx iwasslu għal diskriminazzjoni jew trattament inugwali tal-passiġġieri. Dan jinkludi fost l-oħrajn l-użu ta' kanċelli għal kontroll awtomatizzat tal-fruntieri.

Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex:

tippreżenta proposti għal sistema ta' dħul/ħruġ flimkien ma' programm rapidu għal vjaġġaturi reġistrati bil-ħsieb li din is-sistema ssir operattiva malajr kemm jista' jkun;

tħejji studju dwar il-possibbiltà u l-utilità li tiġi żviluppata sistema Ewropea ta' awtorizzazzjoni tal-ivvjaġġar u, fejn ikun il-każ, tagħmel il-proposti meħtieġa;

tkompli teżamina l-kwistjoni ta' kontrolli awtomatizzati tal-fruntieri u kwistjonijiet oħrajn konnessi mat-twettiq ta' ġestjoni aktar effiċjenti tal-fruntieri.

5.2.   Politika dwar il-viżi

Il-Kunsill Ewropew jemmen li d-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi dwar il-Viżi u l-applikazzjoni gradwali tal-VIS ser joħolqu opportunitajiet ġodda importanti għal aktar żvilupp tal-politika komuni dwar il-viżi. Dik il-poltika għandha wkoll tkun parti minn viżjoni usa' li tieħu kont tal-kwistjonijiet interni u esterni indirizzati mil-linji ta’ politika rilevanti. Il-Kunsill Ewropew għalhekk jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu vantaġġ ta' dawn l-iżviluppi biex tiġi intensifikata l-koperazzjoni konsulari reġjonali permezz tal-programmi ta' koperazzjoni konsulari reġjonali li jistgħu jinkludu, b'mod partikolari, l-istabbiliment ta' ċentri komuni għall-applikazzjoni għall-viża, fejn meħtieġ fuq bażi volontarja.

Il-Kunsill Ewropew jistieden ukoll:

lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex ikomplu jesploraw il-possibbilitajiet maħluqa bil-konklużjonijiet tal-ftehimiet dwar l-iffaċiltar tal-viżi ma' pajjiżi terzi f'każi adatti;

lill-Kummissjoni biex iżżomm taħt reviżjoni regolari, il-lista ta' pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma jew mhumiex suġġetti għall-ħtieġa ta' viża f'konformità mal-kriterji adatti relatati, per eżempju, mal-immigrazzjoni illegali, il-politika pubblika u s-sigurtà, li jieħdu kont tal-objettivi tal-politika interna u tal-politika barranija tal-Unjoni;

lill-Kummissjoni biex issaħħaħ l-isforzi tagħha biex jiġi żgurat il-prinċipju tar-reċiproċità tal-viża u l-prevenzjoni tar-(ri)introduzzjoni tar-rekwiżiti ta' viża minn pajjiżi terzi lejn kwalunkwe Stat Membru, u biex tidentifika miżuri li jkunu jistgħu jintużaw qabel ma jiġi impost il-mekkaniżmu tar-reċiproċità tal-viża lejn dawk il-pajjiżi terzi.

Il-Kunsill Ewropew, bil-ħsieb li joħloq il-possibbiltà li wieħed jimxi għal stadju ġdid fl-iżvilupp tal-politika komuni dwar il-viża, filwaqt li jittieħed kont tal-kompetenzi tal-Istati Membri f'dan il-qasam, jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta studju dwar il-possibbiltà li jiġi stabbilit mekkaniżmu Ewropew komuni għall-ħruġ ta' viżi għal terminu qasir. L-istudju għandu wkoll jeżamina sa liema grad il-valutazzjoni ta' riskju individwali jista' jissupplimenta l-preżunzjoni ta' riskju assoċjat maċ-ċittadinanza ta' applikant.

6.   EWROPA TA' RESPONSABBILTÀ, SOLIDARJETÀ U SĦUBIJA F'MATERJI TA' MIGRAZZJONI U ASIL

Il-Kunsill Ewropew jirrikonoxxi kemm l-opportunitajiet u l-isfidi maħluqa biż-żieda tal-mobbiltà tal-persuni, u jissottolinja li migrazzjoni ġestita tajjeb tista' tkun ta' benefiċju għall-partijiet interessati kollha. Il-Kunsill Ewropew jirrikonoxxi ugwalment li, fil-kuntest tal-isfidi demografiċi importanti li ser tiffaċċja l-Unjoni fil-futur b'domanda akbar għax-xogħol, il-linji ta' politika flessibbli għall-migrazzjoni ser jagħmlu kontribut importanti għall-iżvilupp u l-prestazzjoni ekonomiċi tal-Unjoni fit-terminu fit-tul. Il-Kunsill Ewropew huwa tal-fehma li għandu jittieħed kont tal-konsegwenzi tal-migrazzjoni għat-terminu fit-tul, per eżempju, fuq is-swieq tax-xogħol u s-sitwazzjoni soċjali tal-migranti, u li l-interkonnessjoni bejn il-migrazzjoni u l-integrazzjoni tibqa' kruċjali, inter alia, fir-rigward tal-valuri fundamentali tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-Kunsill Ewropew iffakkar li l-istabbiliment ta' Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (SEKA) sal-2012 jibqa' objettiv ta' politika prinċipali għall-Unjoni.

Il-Kunsill Ewropew jappella għall-iżvilupp ta' qafas ta' politika tal-Unjoni li jkun komprensiv u sostenibbli dwar il-migrazzjoni u l-asil, li fi spirtu ta' solidarjetà tista', b'mod adegwat u proattiv, timmaniġġa l-varjazzjonijiet fil-flussi tal-migrazzjoni u tindirizza sitwazzjonijiet bħal dik attwali fil-fruntieri esterni ta' Nofsinhar. Jinħtieġu sforzi serji biex jinbnew u jissaħħu d-djalogu u s-sħubija bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi, reġjuni u organizzazzjonijiet sabiex jinkiseb rispons imsaħħaħ u bbażat fuq l-evidenza għal dawn is-sitwazzjonijiet, b'kont meħud tal-fatt li l-immigranti illegali jidħlu fl-Unjoni wkoll permezz ta' fruntieri oħrajn jew permezz ta' użu skorrett tal-viża. Objettiv importanti huwa li tiġi evitata r-rikorrenza ta' traġedji fil-baħar. Meta sfortunatament iseħħu sitwazzjonijiet traġiċi, għandhom jiġu esplorati modi ta' kif jiġu reġstrati aħjar u, fejn possibbli, identifikati l-migranti li jkunu qed jippruvaw jaslu fl-Unjoni.

Il-Kunsill Ewropew jirrikonoxxi l-ħtieġa li jinsabu soluzzjonijiet prattiċi li jżidu l-koerenza bejn il-linji ta' politika ta' migrazzjoni u oqsma ta' politika oħra bħall-politika barranija u tal-iżvilupp u l-linji ta' politika għall-kummerċ, l-impjiegi, is-saħħa u l-edukazzjoni fil-livell Ewropew. B'mod partikolari, il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex tesplora l-proċeduri li b'mod akbar jgħaqqdu l-iżvilupp tal-politika dwar il-migrazzjoni mal-iżvilupp ta' wara l-Istrateġija ta' Lisbona. Il-Kunsill Ewropew jirrikonoxxi l-ħtieġa li r-riżorsi finanzjarji fl-Unjoni isiru dejjem aktar flessibbli u koerenti, kemm f'termini tal-kamp ta' applikazzjoni kif ukoll tal-applikabbiltà, biex jiġi appoġġat l-iżvilupp tal-politika fil-qasam tal-asil u l-migrazzjoni.

Il-Kunsill Ewropew jafferma mill-ġdid il-prinċipji stabbiliti fl-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni kif ukoll il-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil. Il-Kunsill Ewropew ifakkar ukoll fil-konklużjonijiet tiegħu ta' Ġunju u Ottubru 2009 dwar dan is-suġġett. Huwa jissottolinja l-ħtieġa li l-miżuri kollha jiġu implimentati f'mod komprensiv u li jiġu evalwati kif deċiż. Huwa jfakkar fil-ħames impenji bażiċi stabbiliti fil-Patt:

l-organizzazzjoni tal-migrazzjoni legali b'kont meħud tal-prijoritajiet, il-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet ta' riċeviment determinati minn kull Stat Membru, u l-promozzjoni tal-integrazzjoni;

il-kontroll tal-immigrazzjoni illegali billi jiġi żgurat ir-ritorn tal-immigranti illegali lejn il-pajjiżi tal-oriġini tagħhom jew lejn pajjiż ta' transitu;

it-tisħiħ tal-effikaċja tal-kontrolli fuq il-fruntieri;

il-bini ta' Ewropa tal-asil;

il-ħolqien ta' sħubija komprensiva mal-pajjiżi ta' oriġini u ta' transitu għall-promozzjoni tas-sinerġija bejn il-migrazzjoni u l-iżvilupp.

6.1.   Politika dinamika u komprensiva dwar il-migrazzjoni

6.1.1.   Konsolidazzjoni, żvilupp u implimentazzjoni tal-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni

Il-Kunsill Ewropew issottolinja b'mod konsistenti l-ħtieġa biex il-politika tal-Unjoni dwar il-migrazzjoni tkun parti integrali tal-politika barranija tal-Unjoni u jirrikonoxxi li l-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni wera r-rilevanza tiegħu bħala l-qafas strateġiku għal dan il-għan. Abbażi tal-prinċipji oriġinali ta' solidarjetà, bilanċ u sħubija vera ma' pajjiżi ta' oriġini u ta’ transitu barra mill-Unjoni u f'konformità ma' dak li diġà twettaq, il-Kunsill Ewropew jappella għall-aktar żvilupp u konsolidazzjoni ta' dan l-approċċ integrat. L-implimentazzjoni tal-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni jeħtieġ li jiġi aċċellerat bl-użu strateġiku tal-istrumenti eżistenti tiegħu kollha u mtejjeb b'aktar koordinazzjoni. Għandu jinżamm bilanċ bejn dawn it-tliet oqsma (il-promozzjoni tal-mobbiltà u l-migrazzjoni legali, l-aqwa użu tar-rabta bejn il-migrazzjoni u l-iżvilupp, u l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali). Il-fokus prinċipali għandu jibqa' fuq il-koperazzjoni mal-pajjiżi l-aktar rilevanti fl-Afrika u l-Ewropa tal-Lvant u tax-Xlokk. Għandhom ikomplu jiġu żviluppati d-djalogu u l-koperazzjoni ma' pajjiżi u reġjuni oħrajn ukoll, bħal dawk fl-Asja u l-Amerika Latina abbażi tal-identifikazzjoni ta' interessi u sfidi komuni.

Għal dan il-għan, il-Kunsill Ewrope jenfasizza l-prijoritajiet li ġejjin:

l-użu strateġiku, ibbażat fuq l-evidenza u sistematiku tal-istrumeni disponibbli kollha tal-Approċċ Globali tal-Unjoni għall-Migrazzjoni - il-profili ta' migrazzjoni, il-missjonijiet ta' migrazzjoni, il-pjattaformi ta' koperazzjoni dwar il-migrazzjoni u l-iżvilupp u s-Sħubiji għall-mobbiltà - għall-koperazzjoni fit-tul dwar id-dimensjonijiet kollha ta' din il-politika fi sħubija mill-qrib mal-pajjiżi terzi magħżula matul rotot migratorji prijoritarji;

l-użu kontinwat u usa' tal-istrument tas-Sħubiji għall-mobbiltà bħala l-qafas strateġiku prinċipali, komprensiv u ta' koperazzjoni fit-tul għall-ġestjoni tal-migrazzjoni ma' pajjiżi terzi, b'valur miżjud għall-oqfsa bilaterali eżistenti. Is-suċċess tal-implimentazzjoni ta' dawn is-sħubiji jeħtieġ koordinazzjoni mtejba u sforzi sostanzjali ta' bini tal-kapaċità fil-pajjiżi tal-oriġini, ta' transitu kif ukoll dawk tad-destinazzjoni. Il-Kunsill Ewropew jappella għal aktar żvilupp tal-istrument tas-Sħubiji għall-mobbiltà, filwaqt li jiġi rispettat in-natura volontarja tagħhom. Is-sħubiji għandhom ikunu flessibbli u reattivi għall-ħtiġijiet kemm tal-Unjoni kif ukoll tal-pajjiżi sħab, u għandhom jinkludu l-koperazzjoni fl-oqsma kollha tal-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni;

l-użu aktar effiċjenti tal-istrumenti eżistenti ta' koperazzjoni tal-Unjoni biex tiżdied il-kapaċità ta' pajjiżi sħab, bil-ħsieb li jkunu żgurati infrastrutturi li jiffunzjonaw tajjeb u kapaċità amministrattiva suffiċjenti biex jiġu ttrattati l-aspetti kollha tal-migrazzjoni, inkluż it-titjib tal-kapaċità tagħhom li joffru protezzjoni adegwata u jżidu l-benefiċċji u l-opportunitajiet maħluqa bil-mobbiltà.

L-implimentazzjoni b'suċċess tal-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni għandha tiġi sostnuta b'evalwazzjonijiet regolari, aktar impenn u kapaċità kif ukoll flessibbiltà aħjar tal-istrumenti finanzjarji kemm tal-Unjoni kif ukoll tal-Istati Membri disponibbli f'dan il-qasam.

6.1.2.   Migrazzjoni u żvilupp

Il-Kunsill Ewropew jissottolinja l-ħtieġa li jittieħdu aktar passi biex l-effetti pożittivi tal-migrazzjoni fuq l-iżvilupp jiġu massimizzati u dawk negattivi jiġi minimizzati f'konformità mal-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni. Il-Linji ta' politika effettivi jistgħu jipprovdu l-qafas meħtieġ biex il-pajjiżi tad-destinazzjoni u ta’ oriġini u l-migranti stess ikunu jistgħu jaħdmu fi sħubija biex jissaħħu l-effetti tal-migrazzjoni internazzjonali dwar l-iżvilupp.

L-isforzi biex jiġu promossi l-mobbiltà u l-migrazzjoni miftiehma mal-pajjiżi tal-oriġini għandhom ikunu marbuta mill-qrib mal-isforzi biex jiġi promoss l-iżvilupp tal-opportunitajiet għal ħidma diċenti u produttiva u għażliet ta' għajxien aħjar fil-pajjiżi terzi biex jiġi minimizzat l-eżodu ta' mħuħ.

Għal dak il-għan, il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex qabel l-2012 tippreżenta proposti dwar:

kif jiġu żgurati aktar it-trasferimenti ta' rimessi aktar effiċjenti, siguri u bi spiża baxxa, u jissaħħaħ l-impatt ta' żvilupp tat-trasferiment ta' rimessi, kif ukoll tiġi evalwata l-fattibbiltà li jinħoloq portal komuni tal-Unjoni dwar ir-rimessi biex il-migranti jiġi infurmati dwar l-ispejjez ta' trasferiment u tiġi inkoraġġuta l-kompetizzjoni fost il-fornituri tas-servizz ta' rimessi;

kif gruppi tad-dijaspora jistgħu jkunu involuti aktar fl-inizjattivi tal-Unjoni għall-iżvilupp, u kif l-Istati Membri jistgħu jappoġġaw il-gruppi tad-dijaspora fl-isforzi tagħhom biex jissaħħaħ l-iżvilupp fil-pajjiżi ta' oriġini tagħhom;

modi kif jiġi esplorat aktar il-kunċett ta' migrazzjoni ċirkolari u jiġu studjati modi biex jiġu ffaċilitati kemm iċ-ċirkolazzjoni ordnata ta' migranti, li sseħħ jew ġewwa, jew inkella barra, il-qafas ta' proġetti jew programmi speċifiċi inkluż studju fuq firxa wiesgħa dwar kif l-oqsma ta' politika rilevanti jistgħu jikkontribwixxu għal u jaffettwaw il-prekondizzjonijiet għal mobbiltà temporanja u ċirkolari.

Il-Kunsill Ewropew jirrikonoxxi l-ħtieġa għal aktar koerenza ta' politika fil-livell Ewropew biex jiġu promossi l-effetti ta' żvilupp pożittivi tal-migrazzoni fil-kamp ta' applikazzjoni tal-attivitajiet tal-Unjoni fid-dimensjoni esterna u biex il-migrazzjoni internazzjonali tiġi allinjata aktar mill-qrib mal-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju. Il-Kunsill Ewropew jappella lill-Kunsill biex jiżgura li hu jaġixxi f'mod ikkoordinat u koerenti f'dan il-qasam.

Il-konnessjoni bejn it-tibdil fil-klima, il-migrazzjoni u l-iżvilupp teħtieġ tiġi esplorata aktar, u l-Kunsill Ewropew għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta analiżi tal-effetti tat-tibdil fil-klima fuq il-migrazzjoni internazzjonali, inklużi l-effetti potenzjali tiegħu fuq l-immigrazzjoni fl-Unjoni.

6.1.3.   Politika miftiehma f'konformità mar-rekwiżiti nazzjonali tas-suq tax-xogħol

Il-Kunsill Ewropew jirrikonoxxi li l-immigrazzjoni tax-xogħol tista' tikkontribwixxi għal aktar kompetittività u vitalità ekonomika. F'dan is-sens, il-Kunsill Ewropew hu tal-opinjoni li l-Unjoni għandha tinkoraġġixxi l-ħolqien ta' sistemi flessibbli ta' ammissjoni li jirreaġġixxu għall-prijoritajiet, il-ħtiġijiet, in-numri u l-volumi determinati minn kull Stat Membru u jippermettu lill-migranti li jieħdu vantaġġ sħiħ mill-ħiliet u l-kompetenza tagħhom. Bil-għan li jiġi ffaċilitat it-tqabbil aħjar tax-xogħol, qegħdin jitwettqu linji ta' politika koerenti dwar l-immigrazzjoni kif ukoll valutazzjonijiet tal-ħiliet li hemm domanda għalihom fis-swieq tax-xogħol Ewropej għal integrazzjoni mtejba. Dawn is-sistemi għandhom iqisu b'mod debitu l-kompetenzi tal-Istati Membri, speċjalment għall-ġestjoni tas-swieq tax-xogħol tagħhom, u l-prinċipju ta' preferenza tal-Unjoni.

Il-Kunsill Ewropew jistieden:

lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex ikomplu jimplimentaw il-Pjan Politiku dwar il-Migrazzjoni Legali,

lill-Kummissjoni biex tikkunsidra kif sorsi u netwerks ta' informazzjoni eżistenti jistgħu jintużaw b'mod aktar effetiv biex tiġi żgurata d-disponibbiltà tad-data komparabbli dwar il-kwistjonijiet ta' migrazzjoni bil-ħsieb li l-għażliet ta' politika jiġu infurmati aħjar, li jieħu kont ukoll tal-iżviluppi reċenti,

lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jevalwaw l-linji ta' politika eżistenti li għandhom, inter alia, itejbu r-rikonixximent ta' ħiliet u t-tqabbil tax-xogħol bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi u l-kapaċità tal-analiżi tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, it-trasparenza tal-informazzjoni Ewropea online dwar l-impjiegi u r-reklutaġġ, it-taħriġ, id-disseminazzjoni ta' informazzjoni, u t-tqabbil tal-ħiliet fil-pajjiż tal-oriġini,

lill-Kummissjoni biex tivvaluta l-impatt u l-effikaċja tal-miżuri adottati f'dan il-qasam bil-ħsieb li jiġi ddeterminat jekk hemmx ħtieġa għal konsolidazzjoni tal-leġislazzjoni eżistenti, inkluż fir-rigward ta' kategoriji ta' ħaddiema li attwalment mhumiex koperti mil-leġislazzjoni tal-Unjoni.

6.1.4.   Linji ta' politika proattivi għall-migranti u d-drittijiet tagħhom

L-Unjoni għandha tiżgura t-trattament ġust ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma residenti legalment fit-territorju tal-Istati Membri tagħha. Politika aktar vigoruża dwar l-integrazzjoni għandha jkollha l-għan li tagħtihom drittijiet u obbligi paragunabbli ma' dawk ta' ċittadini tal-Unjoni. Dan għandu jibqa' objettiv ta' politika komuni dwar il-migrazzjoni u għandu jiġi implimentat malajr kemm jista' jkun, u mhux aktar tard mill-2014.

Għalhekk, il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposti għal:

konsolidazzjoni tal-leġislazzjoni kollha fil-qasam tal-immigrazzjoni, li tibda bil-migrazzjoni legali, li tkun ibbażata fuq evalwazzjoni tal-acquis eżistenti u tinkludi l-emendi meħtieġa biex jiġu ssimplifikati u/jew, fejn meħtieġ, estiżi d-dispożizzjonijiet eżistenti u titjieb l-implimentazzjoni u l-koerenza tagħhom;

evalwazzjoni u, fejn meħtieġ, reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 2003/86/KE tat-22 ta' Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja, b'kont meħud tal-importanza tal-miżuri ta' integrazzjoni.

6.1.5.   Integrazzjoni

L-integrazzjoni b'suċċess ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi residenti legalment tibqa' l-qofol biex jiġu massimizzati l-benefiċċji tal-immigrazzjoni. Il-koperazzjoni Ewropea tista' tikkontribwixxi għal linji ta' poliktika ta' integrazzjoni aktar effettivi fl-Istati Membri billi tipprovdi inċentivi u appoġġ għall-azzjoni tal-Istati Membri. L-objettiv li jingħataw drittijiet, responsabbilitajiet u opportunitajiet paragunabbli għal kulħadd hu fil-qalba tal-koperazzjoni Ewropea fl-integrazzjoni, b'kont meħud tal-ħtieġa ta' bilanċ bejn id-drittijiet u d-dmirijiet tal-migranti.

L-integrazzjoni hija proċess dinamiku fuq żewġ binarji ta' interazzjoni reċiproka, li teħtieġ mhux biss sforzi mill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, iżda wkoll impenn akbar mill-komunità ospitanti u l-immigranti.

Il-linji ta' politika ta' integrazzjoni tal-Istati Membri għandhom ikunu appoġġati permezz ta' aktar żvilupp tal-istrutturi u l-għodod għall-iskambju tal-konoxxenza u l-koordinazzjoni ma' oqsma ta' politika rilevanti oħrajn, bħall-impjiegi, l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali. L-aċċess għall-impjiegi hu ċentrali għal integrazzjoni b'suċċess.

Il-Kunsill Ewropew jistieden ukoll lill-Kummissjoni tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri:

permezz tal-iżvilupp ta' mekkaniżmu ta' koordinazzjoni li jinvolvi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri bl-użu ta' qafas ta' referenza komuni, li għandu jtejjeb l-istrutturi u l-għodod għall-iskambju tal-konoxxenza Ewropea;

biex jinkorporaw il-kwistjonijiet ta' integrazzjoni b'mod komprensiv fl-oqsma ta' politika rilevanti kollha;

lejn l-identifikazzjoni metodi konġunti ta' prattika u moduli Ewropej biex jiġi appoġġat il-proċess ta' integrazzjoni, inklużi elementi essenzjali bħal taħriġ ta' introduzzjoni u korsijiet tal-lingwa, impenn qawwi mis-soċjetà ospitanti u l-parteċipazzjoni attiva tal-immigranti fl-aspetti kollha tal-ħajja kollettiva;

lejn l-iżvilupp ta' indikaturi ċentrali f'numru limitat ta' oqsma ta' politika rilevanti (per eżempju l-impjiegi, l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali) għall-monitoraġġ tar-riżultati tal-linji ta' politika dwar l-integrazzjoni, biex tiżdied il-komparabbiltà tal-esperjenzi nazzjonali u jissaħħaħ il-proċess ta' tagħlim Ewropew;

għal konsultazzjoni aħjar mas-soċjetà ċivili bl-involviment tagħhom, b'kont meħud tal-ħtiġijiet tal-integrazzjoni f'diversi oqsma ta' politika u bl-użu tal-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni u s-sit tal-Internet Ewropew dwar l-Integrazzjoni;

biex isaħħu l-valuri demokratiċi u l-koeżjoni soċjali fir-rigward tal-immigrazzjoni u l-integrazzjoni tal-immigranti u biex jippromwovu d-djalogu interkulturali u l-kuntatti fil-livelli kollha.

6.1.6.   Linji ta' politika effettivi għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali

Il-Kunsill Ewropew hu konvint li l-azzjoni effettiva kontra l-immigrazzjoni illegali tibqa' essenzjali meta tiġi żviluppata politika komuni dwar l-immigrazzjoni. Il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u d-dħul klandestin ta' persuni, il-ġestjoni integrata tal-fruntieri u l-koperazzjoni ma' pajjiżi tal-oriġini u ta' transitu, appoġġata minn koperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja, b'mod partikolari għandha tibqa' prijorità prinċipali għal dan il-fini. L-għan tagħna jeħtieġ li jkun li jiġu evitati t-traġedji umani li jirriżultaw mill-attivitajiet tat-traffikanti.

Politika effettiva u sostenibbli dwar ir-ritorn hija element essenzjali ta' sistema ta' migrazzjoni ġestita tajjeb fi ħdan l-Unjoni. L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom jintensifikaw l-isforzi biex jirritornaw iċ-ċittadini minn pajjiżi terzi residenti illegalment. Għandhom ikunu allokati mezzi finanzjarji meħtieġa għal dan il-għan. Din il-politika għandha tiġi implimentata b'rispett sħiħ għall-prinċipju ta' “non-refoulement” u għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u d-dinjità ta' dawk li jirritornaw individwalment. Ir-ritorn volontarju għandu jkun ppreferut, filwaqt li tiġi rikonoxxuta l-ħtieġa inevitabbli għal mezzi effiċjenti biex, fejn meħtieġ, ir-ritorn jiġi infurzat.

Sabiex jinħoloq approċċ komprensiv dwar ir-ritorn u r-riammissjoni, hu meħtieġ li tiġi intensifikata l-koperazzjoni mal-pajjiżi tal-oriġini u ta' transitu fil-qafas tal-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u f'konformità mal-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil, filwaqt li jiġi rikonoxxut li l-Istati kollha meħtieġa li jerġgħu jdaħħlu ċ-ċittadini tagħhom stess li jkunu qegħdin illegalment fit-territorju ta' Stat ieħor.

Huwa importanti li jiġi żgurat li l-implimentazzjoni tal-istrumenti adottati reċentement fil-qasam tar-ritorn u s-sanzjonijiet kontra lil min iħaddem, kif ukoll il-ftehimiet fis-seħħ dwar ir-riammissjoni, ikunu ssorveljati mill-qrib biex tkun żgurata l-applikazzjoni effettiva tagħhom.

Il-Kunsill Ewropew jemmen li l-fokus għandu jitqiegħed fuq:

l-inkorraġġiment ta' ritorn volontarju, inkluż permezz tal-iżvilupp ta' sistemi ta' inċentivi, it-taħriġ, l-integrazzjoni mill-ġdid u s-sussidji, u bl-użu tal-possibbilitajiet offruti mill-istrumenti finanzjarji eżistenti;

l-Istati Membri:

biex jattwaw b'effett sħiħ id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni skont liema d-deċiżjoni ta' ritorn maħruġa minn wieħed mill-Istati Membri tkun applikabbli fl-Unjoni kollha u l-applikazzjoni effettiva tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ta' ritorn billi jiġu rreġistrati projbizzjonijiet ta' dħul fis-SIS u jiġi ffaċilitat l-iskambju ta' informazzjoni;

it-titjib tal-iskambju ta' informazzjoni dwar l-iżviluppi fil-livell nazzjonali fil-qasam tar-regolarizzazzjoni, bil-ħsieb li tiġi żgurata l-konsistenza mal-prinċipji tal-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil;

l-assistenza mill-Kummissjoni, il-Frontex u l-Istati Membri fuq bażi volontarja, lil Stati Membri li jiffaċċjaw pressjonijiet speċifiċi u sproporzjonati, sabiex tiġi żgurata l-effikaċja tal-linji ta' politika tagħhom dwar ir-ritorn lejn ċerti pajjiżi terzi;

azzjoni aktar effettiva kontra l-immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin u d-dħul klandestin ta' persuni bl-iżvilupp ta' informazzjoni dwar ir-rotot migratorji kif ukoll informazzjoni aggregata u komprensiva li ttejjeb il-fehim tagħna tal-flussi migratorji u r-rispons għalihom, il-promozzjoni ta' koperazzjoni dwar is-sorveljanza u l-kontrolli fuq il-fruntieri, li tiġi ffaċilitata r-riammissjoni bil-promozzjoni ta' miżuri ta' appoġġ għar-ritorn u l-integrazzjoni mill-ġdid u l-bini ta' kapaċitajiet f'pajjiżi terzi;

il-konklużjoni ta' ftehimiet ta' riammissjoni effettivi u operattivi, fuq bażi ta' każ b'każ fil-livell tal-Unjoni jew dak bilaterali;

li jiġi żgurat li l-objettiv tal-isforzi tal-Unjoni għar-riammissjoni għandu jżid il-valur u jżid l-effiċjenza tal-linji ta' politika dwar ir-ritorn, inklużi ftehimiet u prattiċi bilaterali eżistenti;

il-preżentazzjoni mill-Kummissjoni matul l-2010 ta' evalwazzjoni, inkluż tan-negozjati li għaddejjin bħalissa, tal-ftehimiet tal-KE/UE ta' riammissjoni u l-proposta għal mekkaniżmu li jissorvelja l-implimentazzjoni tagħhom. Il-Kunsill għandu jiddefinixxi strateġija koerenti mġedda dwar ir-riammissjoni abbażi ta' dan, b'kont meħud tar-relazzjonijiet ġenerali mal-pajjiż ikkonċernat, inkluż approċċ komuni lejn pajjiżi terzi li ma jikkoperawx fir-riammissjoni taċ-ċittadini tagħhom stess;

titjib fil-koperazzjoni prattika bejn l-Istati Membri, per eżempju permezz ta' skeda regolari ta' titjiriet konġunti ta' ritorn, iffinanzjati mill-Frontex u l-verifika tan-nazzjonalità ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi eliġibbli għar-ritorn, u l-kisba ta' dokumenti tal-ivvjaġġar minn pajjiżi terzi;

żieda fit-taħriġ immirat u l-appoġġ għat-tagħmir;

approċċ ikkoordinat mill-Istati Membri bl-iżvilupp ta' netwerk ta' uffiċjali ta' kollegament fil-pajjiżi tal-oriġini u ta' transitu.

6.1.7.   Minuri mhux akkumpanjati

Il-minuri mhux akkompanjati li jaslu fl-Istati Membri minn pajjiżi terzi jirrappreżentaw grupp partikolarment vulnerabbli li jeħtieġ attenzjoni speċjali u risponsi ddedikati, speċjalment fil-każ ta' minuri fir-riskju. Din hija sfida għall-Istati Membri u tqajjem kwistjonijiet ta' tħassib komuni. Oqsma identifikati bħala li jeħtieġu attenzjoni partikolari huma l-iskambju ta' informazzjoni u l-aħjar prattika, id-dħul klandestin tal-minuri, il-koperazzjoni mal-pajjiżi ta' oriġini, il-kwistjoni tal-valutazzjoni tal-età, l-identifikazzjoni u t-traċċar tal-familji, u l-ħtieġa li tingħata attenzjoni partikolari lill-minuri mhux akkumpanjati fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin. Rispons komprensiv fil-livell tal-Unjoni għandu jgħaqqad il-miżuri ta' prevenzjoni, ta' protezzjoni u dawk ta' ritorn assistit filwaqt li jittieħed kont tal-aħjar interessi tat-tfal.

Il-Kunsill Ewropew għalhekk jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex:

jiġi żviluppat pjan ta' azzjoni, li għandu jiġi adottat mill-Kunsill, dwar il-minuri mhux akkumpanjati li jsostni u jissupplimenta l-istrumenti leġislattivi u finanzjarji rilevanti u jgħaqqad il-miżuri diretti għall-prevenzjoni, il-protezzjoni u r-ritorn assistit. Il-pjan ta' azzjoni għandu jissottolinja l-ħtieġa għal koperazzjoni mal-pajjiżi tal-oriġini, inkluża l-koperazzjoni biex jiġi ffaċilitat ir-ritorn tal-minuri, kif ukoll għall-prevenzjoni ta' tluq ulterjuri. Il-pjan ta' azzjoni għandu jeżamina wkoll il-miżuri prattiċi biex jiġi ffaċilitat ir-ritorn ta' numru kbir ta' minuri mhux akkumpanjati li ma jeħtieġux protezzjoni internazzjonali, filwaqt li jiġi rikonoxxut li għal ħafna minnhom, l-aħjar interessi jistgħu jkunu li jiġu rriunifikati mal-familji tagħhom u l-iżvilupp fl-ambjent soċjali u kulturali tagħhom stess.

6.2.   Asil: spazju komuni ta' protezzjoni u solidarjetà

Il-Kunsill Ewropew jibqa' impenjat bl-objettiv li jiġi stabbilit spazju komuni ta' protezzjoni u solidarjetà bbażat fuq proċedura ta' asil komuni u status uniformi għal dawk li jingħataw protezzjoni internazzjonali. Filwaqt li s-SEKA għandha tkun ibbażata fuq standards ta' protezzjoni għoljin, għandha tingħata attenzjoni dovuta wkoll lil proċeduri ġusti u effettivi li jistgħu jipprevjenu l-abbuż. Hu kruċjali li l-individwi, irrespettivament mill-Istat Membru fejn tinbagħat l-applikazzjoni tagħhom għall-asil, jingħataw livell ekwivalenti ta' trattament fir-rigward tal-kondizzjonijiet ta' riċeviment, u l-istess livell fir-rigward tal-arranġamenti proċedurali u d-determinazzjoni tal-istatus. L-objettiv għandu jkun li każijiet simili għandhom ikunu trattati bl-istess mod u jirriżultaw fl-istess eżitu.

6.2.1.   Spazju komuni ta' protezzjoni

Għad hemm differenzi sinifikanti bejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali u l-applikazzjoni tagħhom. Bil-għan li jintlaħaq grad ogħla ta' armonizzazzjoni, l-istabbiliment tas-SEKA għandu jibqa' objettiv ta' politika prinċipali għall-Unjoni. Ir-regoli komuni, kif ukoll applikazzjoni aħjar u aktar koerenti tagħhom, jistgħu jimpedixxu jew inaqqsu movimenti sekondarji fl-Unjoni, u jżidu l-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri.

L-iżvilupp tal-Politika Komuni dwar l-Asil għandu jkun ibbażat fuq applikazzjoni sħiħa u inklużiva tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati u trattati internazzjonali rilevanti oħrajn. Din il-politika hi meħtieġa biex tinżamm is-sostenibbiltà fit-tul tas-sistema ta' asil u tiġi promossa s-solidarjetà fl-Unjoni. Suġġett għal rapport mill-Kummissjoni dwar il-konsegwenzi legali u prattiċi, l-Unjoni għandha tfittex l-adeżjoni għall-Konvenzjoni ta' Ġinevra u l-Protokoll tal-1967 tagħha.

L-EASO ser ikun għodda importanti fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tas-SEKA u għandu jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-forom kollha ta' koperazzjoni prattika bejn l-Istati Membri. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom ikollhom rwol attiv fil-ħidma tal-EASO. Huwa għandu jkompli jiżviluppa pjattaforma komuni dwar l-edukazzjoni għal uffiċjali nazzjonali tal-asil, li tibni, b'mod partikolari, fuq il-Kurrikulu Ewropew dwar l-Asil (KEA). It-tisħiħ tal-konverġenza u tal-kwalità li jinsab għaddej bħalissa bil-ħsieb li jitnaqqsu d-differenzi bejn id-deċiżjonijiet dwar l-asil ser ikun kompitu importanti ieħor.

Is-Sistema ta' Dublin tibqa' bażi importanti fil-bini tas-SEKA, peress li b'mod ċar talloka r-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni għall-asil.

Il-Kunsill Ewropew għaldaqstant jistieden:

lill-Kunsill u lill-Parlament biex jintensifikaw l-isforzi biex jiġu stabbiliti proċedura komuni ta' asil u status uniformi f'konformità mal-Artikolu 78 tat-TFUE għal dawk li jingħataw asil jew protezzjoni sussidjarja sa mhux aktar tard mill-2012;

lill-Kummissjoni biex tikkunsidra, ladarba t-tieni fażi tas-SEKA tkun ġiet implimentata kompletament, u abbażi ta' evalwazzjoni tal-effett ta' dik il-leġislazzjoni u tal-EASO, il-possibbiltajiet għall-ħolqien ta' qafas għat-trasferiment tal-protezzjoni tal-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali, fl-eżerċizzju tad-drittijiet ta' residenza miksuba tagħhom skont il-liġi tal-Unjoni;

lill-Kummissjoni biex twettaq studju dwar il-fattibbiltà tas-sistema Eurodac bħala għodda ta' appoġġ għas-SEKA kollha, filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-data;

lill-Kummissjoni biex tikkunsidra, jekk meħtieġ, li tipproponi strumenti leġislattivi ġodda abbażi ta' evalwazzjoni sabiex tinkiseb is-SEKA;

jistieden lill-Kummissjoni biex tiffinalizza l-istudju tagħha dwar il-fattibbiltà u l-implikazzjonijiet legali u prattiċi tal-istabbiliment ta' proċessar konġunt tal-applikazzjonijiet għall-asil.

6.2.2.   Kondiviżjoni tar-responsabbiltajiet u solidarjetà bejn l-Istati Membri

Għandha tiġi promossa solidarjetà effettiva mal-Istati Membri li jiffaċċaw pressjonijiet partikolari.

Dan għandu jinkiseb permezz ta' approċċ wiesa' u bbilanċjat. Għalhekk, il-mekkaniżmi għall-kondiviżjoni volontarja u kkoordinata tar-responsabbiltà bejn l-Istati Membri għandhom ikomplu jkunu analizzati u żviluppati. B'mod partikolari peress li wieħed mill-fatturi li jikkontribwixxu għal SEKA kredibbli u sostenibbli hu li l-Istati Membri jibnu kapaċità suffiċjenti fis-sistemi nazzjonali ta' asil, il-Kunsill Ewropew iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jappoġġaw lil xulxin fil-bini ta' kapaċità suffiċjenti fis-sistemi nazzjonali tagħhom tal-asil. L-EASO għandu jkollu rwol ċentrali fil-koordinazzjoni ta' dawn il-miżuri għall-bini ta' kapaċità.

Għalhekk, il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-possibbiltajiet għal:

l-iżvilupp tal-mekkaniżmu msemmi hawn fuq għall-kondiviżjoni tar-responsabbiltà bejn l-Istati Membri filwaqt li tassigura li ma jsirx abbuż mis-sistemi tal-asil, u li ma jkunux imminati l-prinċipji tas-SEKA;

il-ħolqien ta' strumenti u mekkaniżmi ta' koordinament li jippermettu lill-Istati Membri biex jappoġġaw lil xulxin fil-bini ta' kapaċitajiet, ibbażati fuq l-isforzi proprji tal-Istati Membri biex iżidu l-kapaċità tagħhom fir-rigward tas-sistemi nazzjonali tagħhom tal-asil;

bl-użu, b'mod aktar effettiv, ta' sistemi finanzjarji eżistenti tal-Unjoni bil-għan li tissaħħaħ is-solidarjetà interna;

l-EASO biex jevalwa u jiżviluppa proċeduri li ser jiffaċilitaw is-sekondar ta' uffiċjali biex jgħinu lil dawk l-Istati Membri li jiffaċċaw pressjonijiet partikolari ta' dawk li jfittxu l-asil.

6.2.3.   Id-dimensjoni esterna tal-asil

L-Unjoni għandha taġixxi fi sħubija ma' pajjiżi terzi li jospitaw popolazzjonijiet kbar ta' rifuġjati u tikkopera magħhom. Approċċ komuni tal-Unjoni jista' jkun aktar strateġiku u b'hekk jikkontribwixxi b'mod aktar effiċjenti għas-soluzzjoni ta' sitwazzjonijiet imtawla tar-rifuġjati. Kull żvilupp f'dan il-qasam jeħtieġ li jiġi segwit f'koperazzjoni mill-qrib mal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR) u, jekk adatt, ma' atturi rilevanti oħrajn. L-EASO għandu jkun involut bi-sħiħ fid-dimensjoni esterna tas-SEKA. Hi hu tittratta ma' pajjiżi terzi, l-Unjoni għandha r-responsabbiltà li twassal attivament l-importanza tal-adeżjoni mal-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951 u l-Protokoll tagħha u l-implimentazzjoni tagħha.

Il-promozzjoni tas-solidarjetà fl-Unjoni hija kruċjali iżda mhux biżżejjed biex tinkiseb politika komuni dwar l-asil li tkun kredibbli u sostenibbli. Hu għalhekk importanti li jkomplu jiġu żviluppati strumenti għall-espressjoni tas-solidarjetà ma' pajjiżi terzi biex jiġi promoss u assistit il-bini tal-kapaċità fl-ittrattar tal-flussi migratorji u s-sitwazzjonijiet imtawla tar-rifuġjati f'dawn il-pajjiżi.

Il-Kunsill Ewropew jistieden:

lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex isaħħu l-bini ta' kapaċitajiet f'pajjiżi terzi, b'mod partikolari l-kapaċità tagħhom li jipprovdu protezzjoni effettiva, u li jkomplu jiżviluppaw u jespandu l-idea ta' Programmi ta' Protezzjoni Reġjonali, abbażi tal-evalwazzjonijiet li jmiss. Dawn l-isforzi għandhom jiġu inkorporati fl-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni, u għandhom ikunu riflessi fi strateġiji nazzjonali għat-tnaqqis tal-faqar u ma għandhomx biss ikunu mmirati lejn ir-rifuġjati u persuni spostati internament iżda wkoll lejn il-popolazzjonijiet lokali;

lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni biex jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni volontarja tal-Istati Membri fl-iskema konġunta ta' risistemazzjoni tal-Unjoni u jżidu n-numru totali ta' rifuġjati risistemati, b'kont meħud tas-sitwazzjoni speċifika f'kull Stat Membru;

lill-Kummissjoni biex tirrapporta annwalment lill-Kunsill u lill-Parlament dwar l-isforzi ta' risistemazzjoni li jkunu saru fl-Unjoni, twettaq evalwazzjoni ta' nofs it-terminu matul l-2012 tal-progress imwettaq, u tevalwa l-programm konġunt ta' risistemazzjoni tal-Unjoni fl-2014 bil-għan li jiġi identifikat it-titjib meħtieġ;

lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex isibu modi biex jissaħħaħ l-appoġġ tal-Unjoni għall-UNHCR;

lill-Kummissjoni biex tesplora, f'dak il-kuntest u fejn ikun il-każ, approċċi ġodda fir-rigward tal-aċċess għall-proċeduri tal-asil li jkunu mmirati lejn il-pajjiżi prinċipali tat-transitu, bħal programmi ta' protezzjoni għal gruppi partikolari jew ċerti proċeduri għall-eżami ta' applikazzjonijiet għall-asil, li fihom l-Istati Membri jistgħu jipparteċipaw fuq bażi volontarja.

7.   L-EWROPA F'DINJA GLOBALIZZATA - ID-DIMENSJONI ESTERNA TAL-LIBERTA, IS-SIGURTÀ U L-ĠUSTIZZJA

Il-Kunsill Ewropew jenfasizza l-importanza tad-dimensjoni esterna tal-politika tal-Unjoni fl-ispazju tal-liberta, is-sigurtà u l-ġustizzja u jissottolinja l-ħtieġa għal aktar integrazzjoni ta' dawn il-linji ta' politika f'linji ta' politika ġenerali tal-Unjoni. Id-dimensjoni esterna hija kruċjali għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-objettivi ta' dan il-programm u għandha b'mod partikolari tkun kompletament koerenti mal-aspetti l-oħrajn kollha tal-politika barranija tal-Unjoni.

L-Unjoni għandha tkompli tiżgura l-implimentazzjoni effettiva, u twettaq evalwazzjonijiet f'dan il-qasam ukoll. L-azzjoni kollha għandha tkun ibbażata fuq it-trasparenza u r-responsabbiltà, b'mod partikolari fir-rigward tal-istrumenti finanzjarji.

Kif tenna r-rapport tal-2008 dwar l-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà, is-sigurtà interna u dik esterna huma inseparabbli. L-indirizzar tat-theddid, inkluż dak li jinsab 'il bogħod mill-kontinent tagħha, hu essenzjali għall-protezzjoni tal-Ewropa u ċ-ċittadini tagħha.

Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiżguraw li jiġu ggarantiti l-koerenza u l-komplementarjetà bejn il-livell politiku u dak operattiv tal-attivitajiet fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja. Il-prijoritajiet fir-relazzjonijiet esterni għandhom jinfurmaw u jiggwidaw l-għoti ta' prijorità lill-ħidma tal-aġenziji rilevanti tal-Unjoni (Europol, Eurojust, Frontex, CEPOL, l-EMCDDA u l-EASO).

L-Uffiċjali ta' Kollegament tal-Istati Membri tal-Unjoni għandhom ikunu inkoraġġuti biex ikomplu jsaħħu l-koperazzjoni, il-kondiviżjoni ta' informazzjoni u tal-aħjar prattika tagħhom.

Il-Kunsill Ewropew jissottolinja l-ħtieġa għall-komplementarjetà bejn l-azzjoni tal-Unjoni u dik tal-Istati Membri. Għal dak il-għan, hu meħtieġ aktar impenn mill-Unjoni u l-Istati Membri.

7.1.   Dimensjoni esterna msaħħa

Il-Kunsill Ewropew iddeċieda li l-prinċipji li ġejjin għandhom ikomplu jiggwidaw l-azzjoni tal-Unjoni fid-dimensjoni esterna tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja fil-futur:

L-Unjoni għandha politika waħda għar-relazzjonijiet esterni;

L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jaħdmu fi sħubija ma' pajjiżi terzi;

L-Unjoni u l-Istati Membri ser jiżviluppaw u jippromwovu b'mod attiv l-istandards Ewopej u dawk internazzjonali;

L-Unjoni u l-Istati Membri ser jikkoperaw mill-qrib mal-ġirien tagħhom;

L-Istati Membri ser ikomplu jżidu l-iskambju ta' informazzjoni bejniethom u mal-Unjoni dwar l-attivitajiet mulilaterali u bilaterali;

L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jaġixxu b'solidarjetà, koerenza u komplementarjetà;

L-Unjoni ser tagħmel użu sħiħ mill-firxiet kollha tal-istrumenti disponibbli għaliha;

L-Istati Membri għandhom jikkoordinaw mal-Unjoni sabiex jittejjeb l-użu effettiv tar-riżorsi;

L-Unjoni ser tkun impenjata fl-informazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni, inter alia, bl-involviment tal-Parlament Ewropew;

L-Unjoni ser taħdem b'approċċ proattiv fir-relazzjonijiet esterni tagħha.

Il-Kunsill Ewropew jikkunsidra li l-linji ta' politika fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għandhom jiġu integrati sew fil-linji ta' politika ġenerali tal-Unjoni. L-adozzjoni tat-Trattat ta' Lisbona toffri possibbilitajiet ġodda biex l-Unjoni taġixxi b'mod aktar effiċjenti fir-relazzjonijiet esterni. Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, li huwa wkoll Viċi President tal-Kummissjoni, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-Kummissjoni ser jiżguraw aktar koerenza bejn l-istrumenti tradizzjonali ta' politika esterna u l-istrumenti tal-politika interna b'dimensjonijiet esterni sinifikanti, bħal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja. Għandha tingħata konsiderazzjoni għall-valur miżjud li jista' jinkiseb billi jiġu inklużi kompetenzi speċifiċi fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni f'pajjiżi sħab strateġiċi. Barra minn hekk, il-personalità ġuridika tal-Unjoni għandha tippermetti li l-Unjoni taġixxi b'aktar saħħa fl-organizzazzjonijiet internazzjonali.

Il-Kunsill jirrikonoxxi li l-PESD u bosta azzjonijiet esterni marbutin fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja għandhom objettivi kondiviżi u komplementari. Il-missjonijiet tal-PESD jagħtu wkoll kontribut importanti lis-sigurtà interna tal-Unjoni fl-isforzi tagħhom biex jappoġġaw il-ġlieda kontra l-kriminalità transnazzjonali serja fil-pajjiżi ospitanti tagħhom u fil-bini ta' rispett għall-istat tad-dritt. Il-Kunsill Ewropew jinkoraġġixxi aktar koperazzjoni u koerenza bejn il-politika fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja u l-PKSD biex jippromwovi dawn l-objettivi kondiviżi.

Il-bażi l-ġdida skont it-Trattat għall-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali ser tiżgura li l-Unjoni tista' tinnegozja b'mod aktar effettiv mas-sħab prinċipali. Il-Kunsill Ewropew għandu l-intenzjoni li jikkappitalizza kemm jista' jkun fuq dawn l-istrument l-ġodda kollha.

Il-Kunsill Ewropew jissottolinja l-ħtieġa għall-komplementarjetà bejn l-azzjoni tal-Unjoni u dik tal-Istati Membri. Dan ser jeħtieġ aktar impenn mill-Unjoni u l-Istati Membri. Il-Kunsill Ewropew għalhekk jitlob lill-Kummissjoni biex jirrapporta dwar modi kif tiġi żgurata l-komplementarjetà sa mhux aktar tard minn Diċembru 2011.

7.2.   Drittijiet tal-bniedem

It-Trattat ta' Lisbona joffri strumenti ġodda lill-Unjoni fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali kemm internament kif ukoll esternament. Il-valuri tal-Unjoni għandhom jiġu promossi u għandhom jiġi rrispettati l-konformità stretta mad-dritt internazzjonali u l-iżvilupp tiegħu. Il-Kunsill Ewropew jappella għall-istabbiliment ta' Pjan ta' Azzjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem biex jiġu promossi l-valuri tiegħu fid-dimensjoni esterna tal-linji ta’ politika fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja. Dan il-pjan għandu jkun eżaminat mill-Kunsill Ewropew u għandu jieħu kont tal-fatt li l-aspetti interni u dawk esterni tad-Drittijiet tal-Bniedem huma marbutin, per eżempju fir-rigward tal-prinċipju tan-non-refoulement jew l-użu tal-piena tal-mewt minn sħab li magħhom l-Unjoni tikkopera. Il-Pjan għandu jkun fih miżuri speċifiċi għat-terminu qasir, dak medju u fit-tul, u jinnomina min hu responsabbli għat-twettiq tal-azzjonijiet.

7.3.   Prijoritajiet tematiċi kontinwati b'għodod ġodda

Il-Kunsill Ewropew jikkunsidra li l-prijoritajiet tematiċi prinċipali identifikati fl-istrateġija preċedenti jibqgħu validi, jiġifieri l-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni, id-drogi, l-iskambju tad-data personali f'ambjent sigur u l-ġestjoni ta' flussi ta' migrazzjoni. Jinħtieġ li l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u d-dħul klandestin tal-persuni tiġi intensifikata.

Waqt li tibni fuq l-Istrateġija għad-Dimensjoni Esterna tal-ĠAI: Libertà Globali, Sigurtà u Ġustizzja adottata fl-2005 u acquis ieħor rilevanti f'dan il-qasam, bħall-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni, il-koperazzjoni esterna tal-Unjoni għandha tiffoka fuq oqsma fejn l-attività tal-Unjoni tipprovdi valur miżjud, b'mod partikolari:

Il-migrazzjoni u Asil , bil-għan li jiżdied id-djalogu u l-koperazzjoni tal-Unjoni ma' pajjiżi tal-oriġini u ta' transitu sabiex titjieb il-kapaċità tagħhom fit-twettiq ta' kontroll fuq il-fruntieri, għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali, għal ġestjoni aħjar tal-flussi ta' migrazzjoni u tkun żgurata l-protezzjoni, kif ukoll biex jibbenefikaw mill-effetti pożittivi tal-migrazzjoni fuq l-iżvilupp; ir-ritorn u r-riammissjoni huwa prijorità fir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni;

Is-sigurtà , billi jittieħed l-impenn flimkien ma' pajjiżi terzi fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u organizzata, it-terroriżmu, id-drogi, it-traffikar tal-bnedmin u l-kuntrabandu ta' persuni, inter alia, billi l-attivitajiet tal-Unjoni kontra t-terroriżmu jkunu ffukati primarjament fuq il-prevenzjoni u billi jiġu protetti l-infrastrutturi kritiċi. Is-sigurtà interna u dik esterna huma inseparabbli. L-indirizzar tat-theddid, inkluż dak li jinsab 'il bogħod mill-kontinent tagħha, hu essenzjali għall-protezzjoni tal-Ewropa u ċ-ċittadini tagħha;

Skambju ta' informazzjoni li jseħħ b'mod sigur, effiċjenti u bi standards ta' protezzjoni tad-data adegwati bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi;

Ġustizzja , biex jiġu promossi l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, il-governanza tajba, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, id-dimensjoni tal-liġi ċivili, il-promozzjoni tas-sigurtà u l-istabbiltà u jinħoloq ambjent sikur u solidu għan-negozju, il-kummerċ u l-investiment;

Il-protezzjoni ċivili u l-immaniġġar tad-diżastri , b'mod partikolari biex jiġu żviluppati l-kapaċitajiet ta' prevenzjoni u t-tweġibiet għal katastrofi prinċipali teknoloġiċi u naturali kif ukoll biex jiġi indirizzat it-theddid mit-terroristi.

Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex:

teżamina jekk ftehimiet ad hoc dwar il-koperazzjoni ma' pajjiżi terzi speċifiċi li għandhom jiġu identifikati mill-Kunsill jistgħux ikunu mod biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u d-dħul klandestin ta' persuni u biex isiru proposti għal dak il-għan. B'mod partikolari, dawn il-ftehimiet jistgħu jinvolvu l-użu sħiħ tas-setgħa kollha disponibbli għall-Unjoni, inkluż l-użu tal-programmi finanzjarji eżistenti, il-koperazzjoni fl-iskambju ta' informazzjoni, il-koperazzjoni ġudizzjarja u l-għodod ta' migrazzjoni.

It-theddida tat-terroriżmu u l-kriminalità organizzata tibqa' għolja. Għalhekk hi meħtieġa l-ħidma ma' sħab strateġiċi prinċipali biex isir l-iskambju ta' informazzjoni filwaqt li titkompla l-ħidma dwar objettivi għal terminu fit-tul bħall-miżuri għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ, kif ukoll il-protezzjoni tal-infrastrutturi kritiċi. Il-ftehimiet operattivi mill-Eurojust, l-Europol, kif ukoll il-ftehimiet ta' ħidma mal-Frontex, għandhom jissaħħu.

7.4.   Ftehimiet ma' pajjiżi terzi

It-Trattat ta' Lisbona jipprevedi proċeduri ġodda u aktar effiċjenti għall-konklużjoni ta' ftehimiet ma' pajjiżi terzi. Il-Kunsill Ewropew jirrakkomanda li dawn il-ftehimiet, b'mod partikolari fir-rigward tal-koperazzjoni ġudizzjarja kif ukoll fil-qasam tal-liġi ċivili, għandhom ikunu kkunsidrati li jintużaw aktar frekwentement, filwaqt li jittieħed kont tal-mekkaniżmi multilaterali. Madankollu huwa jinnota li l-Istati Membri ser iżommu l-għażla li jidħlu fi ftehimiet bilaterali li jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni, u li nħoloq qafas legali għal ċerti ftehimiet bilaterali fil-liġi ċivili wkoll.

Il-protezzjoni tad-data personali hija attività ċentrali tal-Unjoni. Hemm ħtieġa għal qafas legali koerenti għall-Unjoni għat-trasferimenti ta' data personali għal pajjiżi terzi għall-infurzar tal-liġi. Jista' jinħoloq ftehim qafas mudell li jikkonsisti f'elementi qofol ta' protezzjoni tad-data applikabbli b'mod komuni.

7.5.   Prijoritajiet ġeografiċi u organizzazzjonijiet internazzjonali

L-azzjoni tal-Unjoni fir-relazzjonijiet esterni għandha tiffoka fuq is-sħab prinċipali, b'mod partikolari:

Pajjiżi kandidati u pajjiżi bil-perspettiva ta' sħubija mal-Unjoni li għalihom l-objettiv ewlieni jkun li jiġu assistiti fit-traspożizzjoni tal-acquis;

Pajjiżi ġirien Ewropej, u sħab prinċipali oħra li magħhom l-Unjoni għandha tikkopera dwar il-kwistjonijiet kollha fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja;

Stati ŻEE/Schengen għandhom relazzjoni mill-qrib mal-Unjoni. Dan jagħti inċentiv għall-koperazzjoni aktar mill-qrib, ibbażata fuq fiduċja u solidarjetà reċiproka biex jissaħħu l-effetti pożittivi tas-suq intern kif ukoll tiġi promossa s-sigurtà interna tal-Unjoni;

l-Istati Unit tal-Amerika, il-Federazzjoni Russa u sħab strateġiċi oħrajn li magħhom l-Unjoni għandha tikkopera dwar il-kwistjonijiet kollha fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja;

Pajjiżi jew reġjuni oħrajn ta' prijorità, f'termini tal-kontribut tagħhom għall-prijoritajiet strateġiċi jew ġeografiċi tal-Unjoni;

Organizzazzjonijiet internazzjonali bħan-NU u l-Kunsill tal-Ewropa li l-Unjoni meħtieġa tkompli taħdem magħhom u li fihom l-Unjoni għandha tikkoordina l-pożizzjoni tagħha.

Fil- Balkani tal-Punent , il-Ftehimiet ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni qed jidħlu fis-seħħ progressivament u sar progress notevoli fil-qasam tal-politika dwar il-viżi, bl-iffaċilitar tal-viżi u l-ftehimiet dwar ir-riammissjoni attwati u djalogu komprensiv dwar il-liberalizzazzjoni tal-viżi diġà nkiseb għal xi pajjiżi u għadu għaddej għal oħrajn. Jinħtieġu aktar sforzi, inkluż l-użu ta' strumenti finanzjarji, fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni, biex jiġu ggarantiti d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u biex jinbnew kapaċitajiet amministrattvi fil-ġestjoni tal-fruntieri, l-infurzar tal-liġi u l-ġudikatura sabiex il-perspettiva Ewropea ssir realtà.

L-Unjoni u t- Turkija qablu li jintensifikaw il-koperazzjoni biex jindirizzaw l-isfida komuni tal-ġestjoni tal-flussi migratorji u biex jittrattaw l-immigrazzjoni illegali b'mod partikolari. Din il-koperazzjoni għandha tiffoka fuq ir-responsabbiltà konġunta, is-solidarjetà, il-koperazzjoni mal-Istati Membri kollha u fehim komuni, b'kont meħud tal-fatt li t-Turkija hi ġara tal-fruntieri esterni tal-Unjoni, il-proċess ta' negozjar tagħha u l-assistenza finanzjarja eżistenti tal-Unjoni f'oqsma rilevanti, inkluż il-kontroll fuq il-fruntieri. Il-konklużjoni tan-negozjati dwar il-ftehim ta' riammissjoni mat-Turkija hi prijorità. Sa dakinhar, il-ftehimiet bilaterali li diġà jeżistu għandhom jiġu implimentati b'mod adegwat.

Il-Kunsill Ewropew jenfasizza li l- Politika Ewropea tal-Viċinat (ENP) toffri opportunitajiet futuri għall-Unjoni biex taġixxi f'mod ikkoordinat u effiċjenti u tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-bini tal-kapaċità u tal-istituzzjonijiet għal ġudikatura indipendenti u imparzjali, awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u sforzi kontra l-korruzzjoni, kif ukoll għaż-żieda u l-iffaċilitar tal-mobbiltà taċ-ċittadini tal-pajjiżi sħab. Fir-rigward tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, l-Unjoni qed toffri l-prospett li tinkonkludi l-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni (b'partijiet sostanzjali jirrigwardaw il-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja) ma' dawk il-pajjiżi u tappoġġa, il-mobbiltà taċ-ċittadini u, bħala perspettiva fit-tul, il-liberalizzazzjoni tal-viża f'ambjent sigur.

Il-Kunsill Ewropew jappella għall-iżvilupp ta' pjan dwar kif il-koperazzjoni mas-Sħubija tal-Lvant titressaq 'il quddiem, qabel tmiem l-2010, bl-inklużjoni tal-aspetti ta' libertà, sigurtà u ġustizzja tas-Sħubija tal-Lvant kif ukoll il-kapitoli dwar il-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja tal-Pjanjiet ta' Azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) tal-pajjżi kkonċernati. Dan il-pjan għandu jelenka wkoll il-passi gradwali lejn il-liberalizzazzjoni sħiħa tal-viża bħala għan fit-tul għall-pajjiżi sħab individwali fuq bażi ta' każ b'każ, kif ukoll jiddeskrivi l-kondizzjonijiet għall-mobbiltà ġestita tajjeb u sikura, imsemmija fid-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Summit ta' Praga dwar is-Sħubija tal-Lvant. Il-Kunsill Ewropew ser jirrevedi l-pjan sa tmiem l-2012, u b'mod partikolari biex jevalwa l-impatt tiegħu fil-post.

L-Unjoni għandha żżid l-isforzi tagħha b'appoġġ għall-istabbiltà u s-sigurtà tar-Reġjun tal-Baħar l-Iswed fit-totalità tiegħu u tkompli ssaħħaħ l-inizjattiva ta' koperazzjoni reġjonali tas-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed . B'mod partikolari, l-attivitajiet għandhom jiffukaw fuq il-ġestjoni tal-fruntieri, il-ġestjoni tal-migrazzjoni, il-koperazzjoni doganali u l-istat tad-dritt kif ukoll il-ġlieda kontra l-kriminalità transkonfinali.

Fir-rigward tal- Unjoni għall-Mediterran , ser ikun meħtieġ li tissaħħaħ il-ħidma li nbdiet fil-kuntest tal-proċess ta' Barċellona u s-Sħubija Ewro-Mediterranja, b'mod partikolari rigward il-migrazzjoni (marittima), is-sorveljanza tal-fruntieri, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra it-traffikar tad-drogi, il-protezzjoni ċivili, l-infurzar tal-liġi u l-koperazzjoni ġudizzjarja. Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni f'koperazzjoni mar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà biex tippreżenta dan il-pjan fl-2101 u titlob lill-Coreper biex iħejji maljar kemm jista' jkun id-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu mill-Kunsill. Il-Kunsill Ewropew ser jirrevedi l-Pjan sa tmiem l-2012, u b'mod partikolari jevalwa l-impatt tiegħu fil-post.

Fir-rigward tas-sitwazzjoni fiż-żona tal-Mediterran, il-Kunsill Ewropew jikkunsidra li meħtieġa sħubija aktar b'saħħitha ma' pajjiżi terzi ta' transitu u tal-oriġini, ibbażata fuq rekwiżiti reċiproċi u appoġġ operattiv, inkluż il-kontroll fuq il-fruntieri, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, ir-ritorn u r-riammissjoni. Azzjoni rapida biex jiġu ffaċċjati l-isfidi f'dan ir-reġjun hi prijorità.

F'dawn l-aħħar għaxar snin, il-koperazzjoni mal- Istati Uniti tal-Amerika ġiet intensifikata inkluż fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha rigward l-ispazju ta' liberta, sigurtà u ġustizzja. Taħt kull Presidenza jinżammu laqgħat regolari tat-Trojka Ministerjali u tal-Uffiċjali għolja. F'konformità ma dak li ġie stabbilit fid-“Dikjarazzjoni ta' Washington” adottata fil-laqgħa tat-Trojka Ministerjali f'Ottubru 2009, id-djalogu għandu jkompli u jsir aktar profond.

Il-koperazzjoni li għaddejja bħalissa fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali, is-sigurtà fuq il-fruntieri, il-politika dwar il-viżi, il-koperazzjoni tal-migrazzjoni u dik ġudizzjarja għandha tiġi segwita. Il-ftehim dwar il-protezzjoni tad-data personali skambjata għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi jeħtieġ li jiġi nnegozjat u konkluż rapidament. L-Unjoni u l-Istati Uniti tal-Amerika ser jaħdmu flimkien biex jikkompletaw l-ivvjaġġar mingħajr viżi bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni malajr kemm jista' jkun u jżidu s-sigurtà għall-vjaġġaturi. Għandhom jiġu stabbiliti proċeduri konġunti għall-implimentazzjoni tal-ftehimiet dwar il-koperazzjoni ġudizzjarja, u għandhom jitwettqu konsultazzjonijiet regolari.

L-Ispazju Komuni għal spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja u l-ftehim il-ġdid li qiegħed jiġi nnegozjat attwalment ser jipprovdu l-qafas għall-koperazzjoni futura intensa u mtejba mal- Federazzjoni Russa . Filwaqt li jibnu wkoll fuq l-eżiti tal-Kunsilli Permanenti ta' Sħubija ta' darbtejn fis-sena dwar il-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja, l-Unjoni u r-Russja għandhom ikomplu jikkoperaw fil-qafas tad-djalogu dwar il-viża u l-migrazzjoni legali, filwaqt li jindirizzaw l-immigrazzjoni illegali, isaħħu l-ġlieda komuni kontra l-kriminalità organizzata u b'mod partikolari l-koperazzoni operattiva, u jtejbu u jintensifikaw l-koperazzjoni ġudizzjarja. Għandu jsir ftehim mal-Eurojust malajr kemm jista' jkun, li għandu jissodisfa l-istandards għoljin tal-protezzjoni tad-data. F'dak il-kuntest għandu jiġi konkluż ftehim qafas dwar l-iskambju ta' informazzjoni. Id-djalogu dwar il-viżi għandu jkompli. Il-ftehim dwar l-iffaċilitar tal-viżi u r-riammissjoni għandu jkun implimentat b'mod sħiħ.

Il-Kunsill Ewropew jinnota li l-Istrateġija Konġunta u l-Pjan ta' azzjoni UE-Afrika tal-2007 jiddefinixxu l-kamp ta' applikazzjoni tal-koperazzjoni fl-oqsma tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità transnazzjonali u t-traffikar tad-drogi. Kemm fis-Sħubija UE-Afrika dwar il-Mobbiltà, il-Migrazzjoni u l-Impjiegi (MME) kif ukoll fl-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni, u l-proċess ta' segwitu tal-konferenzi ta' Rabat, Pariġi u Tripli, id-djalogu dwar il-migrazzjoni mas-Sħab Afrikani għandu jkun approfondit u intensifikat, b'fokus fuq pajjiżi fit-triq ta' rotot migratorji irregolari lejn l-Ewropa bil-ħsieb li dawn il-pajjiżi jiġu assistiti fl-isforzi tagħhom biex ifasslu linji ta' politika dwar il-migrazzjoni u jirreaġixxu għall-immigrazzjoni illegali mill-baħar u fil-fruntieri. Għandhom isiru sforzi biex tissaħħaħ il-koperazzjoni, inkluża l-konklużjoni rapida ta' ftehimiet dwar ir-riammissjoni, mal-Alġerija, il-Marokk u l-Eġittu, u, f'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru 2009, mal-Libja.

Reċentement, l- Afrika tal-Punent żviluppat f'ċentru prinċipali għat-traffikar tad-drogi mill-Amerika t'Isfel għall-Ewropa u ser tenħtieġ attenzjoni u assistenza msaħħa biex jitwaqqaf it-traffikar tad-drogi kif ukoll kriminalità transnazzjonali oħra u t-terroriżmu (fis-Sahel).

Id-djalogi maċ- Ċina u l- Indja dwar l-aspetti tal-ġlieda kontra t-terroriżmu għandu jitwessa' u jkopri oqsma prijoritarji oħra bħad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, il-migrazzjoni, inkluża l-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u l-koperazzjoni ġudizzjarja. Meta jsiru ftehimiet dwar il-koperazzjoni ġudizzjarja, l-Unjoni ser tkompli titlob li l-piena tal-mewt hija kwistjoni fejn ma jistgħux isiru kompromessi. Id-djalogu mal-Indja dwar il-migrazzjoni għandu jiġi intensifikat u jkopri l-aspetti kollha relatati mal-migrazzjoni. Fir-rigward taċ-Ċina, id-djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem għandu jitkompla. Id-djalogu mal- Brażil ser ikollu jsir aktar profond u usa' fis-snin li ġejjin. Is-Sħubija Strateġika u l-Pjan ta' Azzjoni Konġunt għandhom jiġu implimentati b'mod aktar effiċjenti u għandhom jiġu kkunsidrati miżuri aktar speċifiċi.

Ma' pajjiżi u reġjuni oħrajn, l-Unjoni ser tikkopera b'mod reġjonali jew bilaterali, kif adatt. Id-djalogu ma' pajjiżi tal-Amerika Latina u l-Karibew , dwar il-migrazzjoni, it-traffikar tad-drogi, il-ħasil tal-flus u oqsma oħrajn ta' interess reċiproku għandu jkun segwit fil-qafas reġjonali ( EU-LAC ) u fil-qafas tal-FATF. Ser ikollha tkompli l-ħidma mal- pajjiżi tal-Asja Ċentrali li jinsabu fit-triq ta' rotot tat-traffiku lejn l-Ewropa.

Għandhom isiru wkoll sforzi biex tissaħħaħ il-koperazzjoni mal- Afganistan dwar id-drogi, inkluża l-implimentazzjoni tad-Dokument Orjentat lejn l-Azzjoni dwar it-traffikar tad-drogi, u mal-Afganistan u l- Pakistan dwar kwistjonijiet ta' terroriżmu u migrazzjoni.

Fir-rigward tal- Afganistan u l-Iraq , għandu jinżamm fokus fuq l-indirizzar b'mod effettiv tas-sitwazzjoni tar-rifuġjati permezz ta' approċċ komprensiv. Għandhom isiru sforzi biex jiġu indirizzati l-flussi tal-immigrazzjoni illegali u biex jiġu konklużi l-ftehimiet ta' riammissjoni magħhom kif ukoll mal-Bangladexx.

7.6.   Organizzazzjonijiet internazzjonali u promozzjoni ta' standards Ewropej u internazzjonali

Il-Kunsill Ewropew tenna l-impenn tiegħu lejn multilateraliżmu effettiv li jissupplimenta s-sħubija bilaterali u reġjonali ma' pajjiżi u reġjuni terzi.

In-NU tibqa' l-organizzazzjoni internazzjonali l-aktar importanti għall-Unjoni. It-Trattat ta' Lisbona joħloq il-bażi għal parteċipazzjoni aktar koerenti u effiċjenti tal-Unjoni fil-ħidma tan-NU u organizzazzjonjiet internazzjonali oħrajn.

L-Unjoni għandha tkompli tippromwovi l-istandards Ewropej u internazzjonali u r-ratifika tal-konvenzjonijiet internazzjonali, b'mod partikolari dawk żviluppati taħt il-patroċinju tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Kunsill tal-Ewropa.

Il-ħidma tal-Kunsill tal-Ewropa hi ta' importanza partikolari. Hija ċ-ċentru tal-valuri Ewropej tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt. L-Unjoni għandha tkompli taħdem flimkien mal-Kunsill tal-Ewropa abbażi tal-Memorandum ta' Qbil iffirmat fl-2007 bejn il-Kunsill tal-Ewropa u l-Unjoni Ewropea u tappoġġa l-konvenzjonijiet importanti tiegħu bħall-Konvenzjoni dwar it-Traffikar tal-Bnedmin u l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tat-Tfal kontra l-Isfruttament Sesswali u l-Abbuż Sesswali.

Għall-koperazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi, l-Interpol hi sieħba importanti għall-Unjoni. Il-koperazzjoni dwar il-liġi ċivili hi magħmula b'mod partikolari fil-qafas tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat. L-Unjoni għandha tkompli tappoġġa l-Konferenza u tinkoraġġixxi lis-sħab tagħha biex jirratifikaw il-konvenzjonijiet fejn l-Unjoni hi jew ser issir Parti jew fejn l-Istati Membri kollha huma Partijiet.


(1)  Kif inhu magħruf komunement. L-Unjoni hija fil-fatt ibbażata fuq żewġ Trattati: it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Biex dan it-test ikun jista' jinqara aħjar, it-“Trattat ta' Lisbona” jew “it-Trattat” ser jintużaw xi drabi fil-Programm.

(2)  Biex dan it-test ikun jista' jinqara aħjar, il-Programm jattribwixxi d-dritt ta' inizjattiva lill-Kummissjoni biss. Dan ma jippreġudikax il-possibbiltà li l-Istati Membri jieħdu inizjattivi f'konformità mal-Artikolu 76 tat-TFUE.

(3)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.

(4)  Ara d-dokument tal-Kunsill 16637/09 JAI 873.


LISTA TA’ ABBREVJAZZJONIJIET

CEPOL

Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija

COSI

Kumitat Permanenti dwar is-Sigurtà Interna (Standing Committee on Internal Security)

EASO

Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-Qasam tal-Asil (European Asylum Support Office)

ECRIS

Sistema Ewropea ta' Informazzjoni ta' Rekords Kriminali (European Criminal Records Information System)

EMCDDA

Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (European Monitoring Centre for Drugs and Drug Addiction)

EPRIS

Indiċi Ewropea tar-Rekords tal-Pulizija (European Police Records Index System)

EU ATC

Koordinatur tal-UE Kontra t-Traffikar (EU Anti-Trafficking Coordinator)

EUCPN

Netwerk Ewropew għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità (European Crime Prevention Network)

Eurosur

Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri (European Border Surveillance System)

FATF

Task Force tal-Azzjoni Finanzjarja (Financial Action Task Force)

GRECO

Grupp tal-Kunsill tal-Ewropa ta' Stati kontra l-Korruzzjoni (Council of Europe Group of States against Corruption)

ICC

Qorti Kriminali Internazzjonali (International Criminal Court)

ICT

Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (Information and Communication Technology)

KBRN

Kimiku, bijoloġiku, radjoloġiku u nukleari Chemical, Biological, Radiological and Nuclear

KEA

Kurrikulu Ewropew dwar l-Asil

MIC

Ċentru ta' Monitoraġġ u Informazzjoni (Monitoring and Information Centre)

OCTA

Stima tat-Theddid mill-Kriminalità Organizzata (Organised Crime Threat Assessment)

OECD

Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni Ekonomika u Żvilupp (Organisation for Economic Co-operation and Development)

OPC

Osservatorju għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità (Observatory for the Prevention of Crime)

PKSD

Politika Komuni ta' Sigurtà u Difiża

PNR

Rekord tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (Passenger Name Record)

SEKA

Sistema Ewropea Komuni tal-Asil

SIK

Skwadri Investigattivi Konġunti

SIS II

It-Tieni Ġenerazzjoni tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (Second generation Schengen Information System)

TFUE

Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

TUE

Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

UE

Unjoni Ewropea

UIF

Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (Financial Intelligence Units)

UNCAC

Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni (United Nations Convention against Corruption)

UNHCR

Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati

VIS

Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (Visa Information System)