ISSN 1725-5198

Il-Ġurnal Uffiċjali

ta’ l-Unjoni Ewropea

C 160

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 50
13 ta' Lulju 2007


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, Rakkomandazzjonijiet, Orjentazzjonijiet u Opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Bank Ċentrali Ewropew

2007/C 160/01

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-5 ta' Lulju 2007 fuq it-talba tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea dwar proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 974/98 fir-rigward ta' l-introduzzjoni ta' l-euro f'Ċipru, dwar proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 974/98 fir-rigward ta' l-introduzzjoni ta' l-euro f'Malta, dwar proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2866/98 fir-rigward tar-rata ta' konverżjoni għall-euro għal Ċipru u dwar proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2866/98 fir-rigward tar-rata ta' konverżjoni għall-euro għal Malta (CON/2007/19)

1

2007/C 160/02

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-5 ta' Lulju, 2007 fiq it-talba tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea dwar il-ftuħ ta' Konferenza Intergovernamentali biex tħejji Trattat li jemenda t-Trattati eżistenti (CON/2007/20)

2

 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET U KORPI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

Kummissjoni

2007/C 160/03

Awtorizzazzjoni ta' l-għajnuna Statali fil-qafas tad-Dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE — Fir-rigward ta' dawn il-każijiet il-Kummissjoni ma tqajjimx oġġezzjonijiet

5

2007/C 160/04

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Każ COMP/M.4572 — Vinnolit/Ineos CV's Specialty PVC Business) ( 1 )

12

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MILL-ISTITUZZJONIJIET U L-ORGANI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

Kummissjoni

2007/C 160/05

Rata tal-kambju ta' l-euro

13

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

 

Uffiċċju Ewropew għall-Għażla tal-Personal

2007/C 160/06

Emenda għall-avviż ta' kompetizzjoni EPSO/AD/95/07 (il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea C 103 A tat-8 ta' Mejju 2007)

14

 

ATTI OĦRAJN

 

Kummissjoni

2007/C 160/07

Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skond l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet ta' l-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-oġġetti ta' l-ikel

15

2007/C 160/08

Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skond l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet ta' l-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-oġġetti ta' l-ikel

19

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, Rakkomandazzjonijiet, Orjentazzjonijiet u Opinjonijiet

OPINJONIJIET

Bank Ċentrali Ewropew

13.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 160/1


Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew

tal-5 ta' Lulju 2007

fuq it-talba tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea dwar proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 974/98 fir-rigward ta' l-introduzzjoni ta' l-euro f'Ċipru, dwar proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 974/98 fir-rigward ta' l-introduzzjoni ta' l-euro f'Malta, dwar proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2866/98 fir-rigward tar-rata ta' konverżjoni għall-euro għal Ċipru u dwar proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2866/98 fir-rigward tar-rata ta' konverżjoni għall-euro għal Malta

(CON/2007/19)

(2007/C 160/01)

Introduzzjoni u bażi legali

Fil-25 ta' Mejju 2007, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talbiet mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea għal opinjoni dwar proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 974/98 fir-rigward ta' l-introduzzjoni ta' l-euro f'Ċipru (1), u għal opinjoni dwar proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament Nru 974/98 fir-rigward ta' l-introduzzjoni ta' l-euro f'Malta (2). Fl-4 ta' Lulju 2007, il-BĊE irċieva talbiet mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea għal opinjoni dwar proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2866/98 fir-rigward tar-rata ta' konverżjoni għall-euro għal Ċipru (3), u għal opinjoni dwar proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2866/98 fir-rigward tar-rata ta' konverżjoni għall-euro għal Malta (4). (Minn issa 'l quddiem “ir-regolamenti proposti”).

Il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 123(5) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita` Ewropea. Skond l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 17.5 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

1.   Osservazzjonijiet

1.1

Ir-regolamenti proposti se jagħmlu possibbli l-introduzzjoni ta' l-euro bħala l-valuta ta' Ċipru u ta' Malta, wara r-revoka tad-derogi ta' Ċipru u ta' Malta skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 122(2) tat-Trattat.

1.2

Il-BĊE jilqa' ir-regolamenti proposti.

Magħmula fi Frankfurt am Main, fil-5 ta' Lulju 2007.

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  COM(2007) 257 finali.

(2)  COM(2007) 260 finali.

(3)  SEC(2007) 836 finali.

(4)  SEC(2007) 837 finali.


13.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 160/2


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-5 ta' Lulju, 2007

fiq it-talba tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea dwar il-ftuħ ta' Konferenza Intergovernamentali biex tħejji Trattat li jemenda t-Trattati eżistenti

(CON/2007/20)

(2007/C 160/02)

1.

Fis-27 ta' Ġunju 2007, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea għal opinjoni dwar il-ftuħ ta' konferenza ta' rappreżentanti tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri (Konferenza Intergovernamentali jew KIG) biex tħejji Trattat li jemenda t-Trattati eżistenti (Trattat ta' Riforma).

2.

Il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 48 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skond l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 17.5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE adotta din l-Opinjoni.

3.

Il-mandat tal-KIG ġie miftiehem mill-Kunsill Ewropew ta' Brussell tal-21-23 Ġunju 2007 u jinsab mehmuż bħala Anness tal-Konklużjonijiet tal-Presidenza (Il-Mandat tal-KIG). Il-Mandat ta' l-KIG jistipula li huwa l-bażi esklużiva u l-qafas għall-KIG (1). Il-KIG hija taħt mandat biex tħejji Trattat ta' Riforma li jintroduċi l-innovazzjonijiet li rriżultaw mill-KIG ta' l-2004 fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TEU) u fit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita` Ewropea (TEC) li għandu jibda jissejjaħ Trattat dwar l-Iffunzjonar ta' l-Unjoni (TFU) (2).

4.

Il-BĊE jilqa' l-ftuħ tal-KIG. Il-BĊE jifhem li, ħlief għal kif indikat fil-Mandat tal-KIG, it-test tat-TEU mhux se jinbidel (3). B'mod partikolari, il-BĊE jilqa' l-konferma fil-Mandat tal-KIG li l-istabbilta fil-prezzijiet hija waħda mill-għanijiet ta' l-Unjoni (4) u li l-politika monetarja hija mniżżla b'mod ċar bħala waħda mill-kompetenzi esklużivi ta' l-Unjoni. Il-BĊE jilqa' wkoll ir-reviżjoni ta' l-artikolu dwar l-għanijiet ta' l-Unjoni sabiex tiġi nklużi l-istabbilment ta' unjoni ekonomika u monetarja li l-valuta tagħha hija l-euro (5).

5.

Il-Mandat tal-KIG jirreferi speċifikament għal titjib fil-governanza ta' l-euro, jistipula li l-innovazzjonijiet, kif miftiehma fil-KIG ta' l-2004, se jiddaħħlu fit-TFU 'permezz ta' modifiki fil-manjiera tas-soltu' (6). Il-BĊE jissemma speċifikament, u l-KIG hija taħt mandat (7) biex iddaħħal id-dispożizzjonijiet dwar il-BĊE f'Taqsima 4bis ta' Parti Ħamsa tat-TFU. Il-KIG għandha wkoll mandat biex tannessa Protokoll mat-Trattat ta' Riforma biex jemenda Protokolli eżistenti konformi mat-tibdiliet miftiehma fil-KIG ta' l-2004 (8). Dan jinkludi, inter alia, tibdiliet għall-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew.

6.

Il-BĊE jifhem li, fir-rigward ta' l-istatus, il-mandat, il-ħidmiet u r-reġim legali tal-BĊE, l-Eurosistema u s-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali, it-tibdiliet għat-Trattati preżenti introdotti mill-KIG se jkunu limitati għal u jkopru l-innovazzjonijiet kollha miftiehma fil-KIG ta' l-2004 (9).

7.

Fir-rigward ta' l-innovazzjonijiet miftiehma fil-KIG ta' l-2004 dwar il-governanza ta' l-euro, l-Anness ma' din l-Opinjoni jirreferi għal xi wħud li huma ta' relevanza partikolari għall-BĊE u, fejn jixraq, jistabbilixxi l-fehma tal-BĊE ta' kif dawn jistgħu jiġu introdotti fit-TFU mingħajr ma jmorru lil hinn l-iskop tal-Mandat tal-KIG.

8.

Il-BĊE jinsab lest biex jikkontribwixxi għall-KIG f'kull ħin matul il-ħidma tagħha u, ladarba jitħejja t-test, biex jipprovdi opinjoni dwar il-kwistjonijiet li jaqgħu fi ħdan l-oqsma ta' kompetenza tiegħu.

Magħmula fi Frankfurt am Main fil-5 ta' Lulju 2007.

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  Preambolu tal-Mandat tal-KIG.

(2)  Punt 4 tal-Mandat tal-KIG. F'punt 17 tal-Mandat tal-KIG jissejjaħ “It-Trattat dwar l-Iffunzjonar ta' l-Unjoni Ewropea”.

(3)  Punt 5 tal-Mandat tal-KIG.

(4)  Anness 1, punt 3 tal-Mandat tal-KIG.

(5)  Anness 1, punt 3 tal-Mandat tal-KIG.

(6)  Punt 18 tal-Mandat tal-KIG.

(7)  Anness 2(B), punt 16 tal-Mandat tal-KIG.

(8)  Punt 22 tal-Mandat tal-KIG.

(9)  B'konnessjoni mal-KIG ta' l-2004, il-BĊE ħareġ Opinjoni tal-BĊE CON/2003/20 tad-19 ta' Settembru 2003 fuq it-talba tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea dwar l-abozz tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa (ĠU Ċ 229, 25.9.2003, p. 7).


ANNESS

A.   Dispożizzjonijiet dwar il-BĊE

1.

Il-KIG hija taħt mandat (1) biex iddaħħal l-innovazzjonijiet miftiehma fil-KIG ta' l-2004 dwar il-BĊE fit-TFU, flimkien ma' l-artikoli dwar il-Qorti ta' l-Awdituri u l-korpi ta' konsulenza ta' l-Unjoni. Fit-TFU, it-test tad-dispożizzjonijiet dwar il-BĊE se jkun identiku għal dak miftiehem fil-KIG ta' l-2004, ħlief għall-emendi meħtieġa għal referenzi oħra. Dan ifisser, inter alia, li l-innovazzjoni tal-KIG ta' l-2004 li tiddefinixxi lill-BĊE bħala istituzzjoni (oħra) se tkun inkorporata fit-Trattati, flimkien ma' l-introduzzjoni tat-terminu 'Eurosistema' u l-konferma espliċita ta' l-indipendenza finanzjarja tal-BĊE.

2.

Filwaqt li l-artikolu dwar il-BĊE se jidher fit-TFU (2), il-Mandat tal-KIG jistabbilixxi li t-TEU u t-TFU se jkollhom l-istess valur legali (3). Dan ifisser li l-Artikolu 1 ġdid tat-TFU, li għandu jistabbilixxi r-relazzjoni bejn it-TFU u t-TEU (4), la se jistabbilixxi ġerarkija bejn iż-żewġ Trattati u lanqas mhu se jintroduċi differenzi bejn il-proċeduri ta' emenda għad-dispożizzjonijiet ewlenija li jittrattaw il-BĊE/is-SEBĊ u dawk li jittrattaw l-istituzzjonijiet ta' l-UE. Fuq din il-bażi, il-BĊE jifhem li, anke jekk l-artikolu dwar il-BĊE se jidher fit-TFU, il-BĊE se jibbenefika mill-istess pożizzjoni legali bħall-istituzzjonijiet ta' l-UE li huma msemmija fit-TEU.

B.   Aġġornament tat-terminoloġija wżata fit-Trattati fir-rigward tal-valuta waħda

3.

Barra mill-Mandat tal-KIG (5), it-Trattat ta' Riforma se jissostitwixxi t-terminu 'Komunita`' b''Unjoni' u 'ECU' b''euro' tul it-Trattati, u se jintroduċi serje ta' tibdiliet lil referenzi skaduti għall-'istadji' ta' unjoni ekonomika u monetarja. Se jsiru tibdiliet meħtieġa lill-Protokolli dwar id-Danimarka u r-Renju Unit. Il-Protokoll dwar l-Istatut ta' l-Istitut Monetarju Ewropew se jiġi rrevokat.

4.

Wara l-ftehim tat-Trattat ta' Riforma, l-isem tal-valuta waħda se jidher fil-liġi primarja ta' l-Unjoni. Il-BĊE jikkunsidra li, għal raġunijiet ta' ċertezza legali u kjarifika, il-pronunzja uniformi tat-terminu 'euro' għandha tkun irrispettata fil-verżjonijiet lingwistiċi u alfabetiċi kollha tat-Trattat ta' Riforma u, għaldaqstant fit-TEU u t-TFU, u dan jeħtieġ il-pronunzja biex tkun euro fl-alfabet Latin, ευρώ fl-alfabet Grieg u еуро fl-alfabet Ċirilliku.

C.   Revoka tal-Protokoll dwar l-EMI

5.

It-test kif miftiehem fil-KIG ta' l-2004 rrevoka l-Protokoll dwar l-Istatut ta' l-Istitut Monetarju Ewropew (“il-Protokoll dwar l-EMI”), u b'hekk il-Protokoll dwar l-EMI se jiġi rrevokat. Filwaqt li l-BĊE jilqa' din ir-revoka, xi wħud mill-funzjonijiet imwettqa skond id-dispożizzjonijiet tiegħu għadhom xorta relevanti għall-Istati Membri b'deroga. Skond l-Artikoli 44 u 47.1 ta' l-Istatut tas-SEBĊ, dawn il-funzjonijiet qiegħdin fil-preżent jitwettqu mill-Kunsill Ġenerali tal-BĊE. Il-BĊE jifhem li r-revoka tal-Protokoll dwar l-EMI se tkun ikkumplimentata b'emenda ta' l-Artikolu 117(2) tat-TEC (6) sabiex dawn il-funzjonijiet jibqgħu jitwettqu mill-BĊE.


(1)  Anness 2(B), punt 16 tal-Mandat tal-KIG.

(2)  Punt 12 tal-Mandat tal-KIG

(3)  Punt 19(a) tal-Mandat tal-KIG

(4)  Punt 19(a) tal-Mandat tal-KIG.

(5)  Punt 18 tal-Mandat tal-KIG.

(6)  Jiġifieri skond l-adattazzjoni miftiehma fil-KIG ta' l-2004.


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET U KORPI TA' L-UNJONI EWROPEA

Kummissjoni

13.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 160/5


Awtorizzazzjoni ta' l-għajnuna Statali fil-qafas tad-Dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE

Fir-rigward ta' dawn il-każijiet il-Kummissjoni ma tqajjimx oġġezzjonijiet

(2007/C 160/03)

Data ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni

8.6.2007

Numru ta' referenza ta' l-għajnuna

N 694/06

Stat Membru

L-Italja

Reġjun

Toskana

Titolu (u/jew l-isem il-benefiċjarju)

Regime di aiuto di Stato per la valorizzazione, lo sviluppo e il miglioramento delle filiere agroalimentari a minore impatto ambientale

Bażi ġuridika

DGR n. 582 del 7.8.2006 Regime di aiuti — Programma di Regime di aiuti di stato per la valorizzazione, lo sviluppo ed il miglioramento delle filiere agroalimentari a minore impatto ambientale [Reg. (CEE) n. 2092/91 prodotto da agricoltura biologica — L.R. 25/99 prodotto da agricoltura integrata — Modifica Dgr n. 1082/04]

Tip ta' miżura

Skema ta' għajnuna

Għan

Produzzjoni, investiment fl-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni, appoġġ tekniku, miżuri għall-bejgħ u l-promozzjoni favur il-prodotti organiċi u prodotti ta' agrikoltura integrata skond it-tabella ta' l-Agriqualità

Forma ta' għajnuna

Għotja diretta

Baġit

Baġit annwali: 18 miljun EUR

Anness A, Azzjoni A: 6 miljun EUR;

Anness A, Azzjoni B: 6 miljun EUR;

Anness B: 6 miljun EUR.

Intensità

Varjabbli

Tul ta' żmien

7 snin

Setturi ekonomiċi

Agrikoltura

Isem u indirizz ta' l-awtorità li tagħti l-għajnuna

Regione Toscana

Via di Novoli, 26

I-50127 Firenze

Tagħrif ieħor

It-test tad-deċiżjoni fil-lingwa jew lingwi awtentika/awtentiċi, li minnu tneħħew il-partijiet kunfidenzjali kollha, jinsab fuq is-sit:

http://ec.europa.eu/community_law/state_aids/

Data ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni

8.6.2007

Numru ta' referenza

N 78/06

Stat Membru

Spanja

Reġjun

Valencia

Titolu (u/jew isem tal-benefiċjarju)

Ayudas para la mejora de la calidad agroalimentaria

Bażi ġuridika

Proyecto de Orden de la Consejería de Agricultura, Pesca y Alimentación por la que se regulan las ayudas para la revalorización, promoción y mejora en el marco de la calidad agroalimentaria

Tip ta' miżura

Skema ta' għajnuna

Għan

Biex tiġi mtejba l-kwalità ta' l-ikel

Forma ta' għajnuna

Għotja diretta

Baġit

28 190 000 EUR għall-perjodu ta' bejn l-2007-12

Intensità

Massimu ta' 50 %

Tul ta' żmien

Sa l-aħħar ta' l-2012

Setturi ekonomiċi

Agrikoltura

Isem u indirizz ta' l-awtorità li tagħti l-għajnuna

Conselleria d'Agricultura, Pesca i Alimentació

Generalitat Valenciana

Amadeo de Saboya, 2

E-46010 Valencia

Tagħrif ieħor

It-test tad-deċiżjoni fil-lingwa jew lingwi awtentika/awtentiċi, li minnu tneħħew il-partijiet kunfidenzjali kollha, jinsab fuq is-sit:

http://ec.europa.eu/community_law/state_aids/

Data ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni

8.6.2007

Numru ta' l-għajnuna:

N 873/06

Stat Membru

Franza

Reġjun

Titolu (u/jew isem il-benefiċjarju)

Aides à la mise aux normes des bâtiments porcins en vue de l'application des normes sur le bien-être des truies gestantes

Bażi legali

Projet d'arrêté

It-tip ta' miżura

Skema ta' l-għajnuna

Il-Mira

Għajnuna finanzjarja biex il-binjiet tat-trobbija tal-ħnieżer jinġiebu fl-istandard fid-dawl ta' l-applikazzjoni ta' l-istandards dwar il-benessri tal-ħnieżer ħbiela

Il-forma ta' l-għajnuna

Sussidju dirett

L-Estimi

50 000 000 EUR

Intensità

Mass. 40 %

Tul ta' żmien

6 snin

Setturi ekonomiċi

L-Agrikoltura

Isem u indirizz ta' l-awtorità li tagħti l-għajnuna

Office national interprofessionnel de l'élevage et de ses productions

80, avenue des terroirs de France

F-75607 Paris Cedex 12

Aktar Informazzjoni

It-test tad-deċiżjoni fil-lingwa jew lingwi awtentika/awtentiċi, li minnu tneħħew il-partijiet kunfidenzjali kollha, jinsab fuq is-sit:

http://ec.europa.eu/community_law/state_aids/

Data ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni

8.6.2007

Numru ta' referenza ta' l-għajnuna

NN 16/07 (ex N 786/06)

Stat Membru

Il-Latvja

Reġjun

Titolu (u/jew isem il-benefiċjarju)

Atbalsts, lai kompensētu sausuma radītos zaudējumus lauksaimniecībā

Bażi ġuridika

Ministru kabineta 2006. gada 3. janvāra noteikumi Nr. 21 “Noteikumi par valsts atbalstu lauksaimniecībai 2006. gadā un tā piešķiršanas kārtība” (Publicēts: Latvijas Vēstnesis Nr. 14; 24.1.2005.)

Tip tal-miżura

Skema ta' l-għajnuna

Għan

Kumpens għan-nixfa fl-2006

Forma ta' għajnuna

Għajnuna biex jiġu kkumpensati l-bdiewa għat-telf ikkawżat mill-kundizzjonijiet tat-temp

Baġit

Baġit globali: sa 19,74 miljun LVL

Intensità

sa 35 % tat-telf eliġibbli

Tul ta' żmien

15.11.2006-30.12.2006

Setturi ekonomiċi

Settur agrikolu

Isem u indirizz ta' l-awtorità li tagħti l-għajnuna

Lauku atbalsta dienests,

Respublikas laukums 2-19. st,

LV-1981 Rīga

Tagħrif ieħor

It-test tad-deċiżjoni fil-lingwa jew lingwi awtentika/awtentiċi, li minnu tneħħew il-partijiet kunfidenzjali kollha, jinsab fuq is-sit:

http://ec.europa.eu/community_law/state_aids/

Data ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni

8.6.2007

Skema ta' għajnuna

N 66/07

Stat Membru

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Reġjun

Titolu (u/jew isem il-benefiċjarju)

Garanziji

Bażi ġuridika

Rahmenplan Gemeinschaftsaufgabe (GAK)

Tip ta' miżura

Skema ta' għajnuna

Għan

Kalkolu tal-garanziji

Forma ta' għajnuna

Garanziji

Baġit

Intensità

2,6 %

Tul ta' żmien

31.12.2007

Setturi ekonomiċi

Agrikoltura

Isem u indirizz ta' l-awtorità li tagħti l-għajnuna

Tagħrif ieħor

It-test tad-deċiżjoni fil-lingwa jew lingwi awtentika/awtentiċi, li minnu tneħħew il-partijiet kunfidenzjali kollha, jinsab fuq is-sit:

http://ec.europa.eu/community_law/state_aids/

Data ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni

8.6.2007

Numru ta' l-għajnuna:

N 111/07

Stat Membru

Franza

Reġjun

Titolu (u/jew isem il-benefiċjarju)

Réduction des capacités de production dans le secteur de l'arboriculture, dans le cadre d'un plan de soutien aux producteurs de fruits et légumes (Tnaqqis tal-kapaċitajiet ta' produzzjoni fis-settur tal-koltivazzjoni tas-siġar, fil-qafas ta' pjan ta' sostenn għall-produtturi ta' frott u ħaxix.)

Bażi ġuridika

Articles L 621-1 et suivants du Code rural

Tip ta' miżura

Skema ta' għajnuna

Għan

Il-qlugħ ta' msaġar tat-tuffieħ, ħawħ-nuċiprisk, lanġas, għanbaqar tal-mejda, ċirasa, frott tal-bosk aħmar u għeneb tal-mejda

Forma ta' l-għajnuna

Sussidju dirett

Baġit

20 000 000 EUR

Intensità

Massimu ta' 50 %

Tul ta' żmien

sentejn

Setturi ekonomiċi

Agrikoltura

Isem u indirizz ta' l-awtorità li tagħti l-għajnuna

Office national interprofessionnel des fruits, des légumes, des vins et de l'horticulture

164, rue de Javel

F-75739 Paris Cedex 15

Tagħrif ieħor

It-test tad-deċiżjoni fil-lingwa jew lingwi awtentika/awtentiċi, li minnu tneħħew il-partijiet kunfidenzjali kollha, jinsab fuq is-sit:

http://ec.europa.eu/community_law/state_aids/

Data ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni

8.6.2007

Numru ta' l-għajnuna:

N 142/07

Stat Membru

L-Italja

Reġjun

Toscana

Titolu (u/jew isem tal-benefiċjarju)

Interventi nelle zone agricole colpite da calamità naturali (piogge alluvionali dal 19 al 21 ottobre 2006 nella regione di Toscana, provincia di Grosseto)

Bażi ġuridika

Decreto legislativo n. 102/2004

Tip ta' miżura

Għajnuna individwali

Għan

Kumpens għall-ħsarat lill-istrutturi agrikoli li rriżultaw minn kundizzjonijiet meteoroloġiċi negattivi.

Forma ta' għajnuna

Għotja diretta

Baġit

Ara l-iskema approvata (NN 54/A/04)

Intensità

Sa 100 % ta' l-ispejjeż tal-ħsara

Tul ta' żmien

Il-miżura li twettaq l-iskema ta' għajnuna kif approvata mill-Kummissjoni

Setturi ekonomiċi

Agrikoltura

Isem u indirizz ta' l-awtorità li tagħti l-għajnuna

Ministero delle politiche agricole e forestali

Via XX Settembre, 20

I-00187 Roma

Tagħrif ieħor

Il-miżura li twettaq l-iskema ta' għajnuna approvata mill-Kummissjoni skond l-għajnuna mill-Istat NN 54/A/04 (l-ittra tal-Kummissjoni C(2005) 1622 finali, ddatata fis-7 ta' Ġunju 2005).

It-test tad-deċiżjoni fil-lingwa jew lingwi awtentika/awtentiċi, li minnu tneħħew il-partijiet kunfidenzjali kollha, jinsab fuq is-sit:

http://ec.europa.eu/community_law/state_aids/

Data ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni

8.6.2007

Nru ta' l-għajnuna

N 213/07

Stat Membru

L-Italja

Reġjun

Puglia

Titolu (u/jew isem il-benefiċjarju)

Interventi nelle zone agricole colpite da calamità naturali (piogge alluvionali, trombe d'aria e venti impetuosi dal 15 al 28 settembre 2006 nelle province di Bari, Brindisi, Lecce e Taranto)

Bażi ġuridika

Decreto legislativo n. 102/2004

Tip ta' miżura

Skema ta' għajnuna

Għan

Kundizzjonijiet klimatiċi ħżiena

Forma ta' għajnuna

Sussidji

Baġit

Ara n-numru ta' l-għajnuna NN 54/A/04

Intensità

Sa 100 %

Tul ta' żmien

Sa tmiem il-pagamenti.

Setturi ekonomiċi

Agrikoltura

Isem u indirizz ta' l-awtorità li tagħti l-għajnuna

Tagħrif ieħor

It-test tad-deċiżjoni fil-lingwa jew lingwi awtentika/awtentiċi, li minnu tneħħew il-partijiet kunfidenzjali kollha, jinsab fuq is-sit:

http://ec.europa.eu/community_law/state_aids/

Data ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni

8.6.2007

Numru ta' referenza ta' l-għajnuna

N 241/07

Stat Membru

L-Italja

Reġjun

Campania

Titolu (u/jew isem il-benefiċjarju)

Interventi di soccorso nelle zone agricole danneggiate da calamità naturali (piogge alluvionali dal 15 al 25 settembre 2006)

Bażi ġuridika

Decreto legislativo n. 102/2004

Tip ta' miżura

Skema ta' għajnuna

Għan

Sabiex jiġu kkumpensati għall-ħsarat l-istrutturi tal-farms b'riżultat ta' kundizzjonijiet klimatiċi ħżiena

Forma ta' għajnuna

Għotja diretta

Baġit

Ara l-iskema approvata (NN 54/A/04)

Intensità

Sa 80 %

Tul ta' żmien

Sakemm l-aħħar ħlas isir

Setturi ekonomiċi

Agrikoltura

Isem u indirizz ta' l-awtorità li tagħti l-għajnuna

Ministero delle Politiche agricole e forestali

Via XX Settembre, 20

I-00187 Roma

Tagħrif ieħor

Il-miżura li tapplika l-iskema approvata mill-Kummissjoni skond l-għajnuna mill-Istat NN 54/A/04 (l-ittra tal-Kummissjoni C(2005) 1622 finali, ddatata fis-7 ta' Ġunju 2005)

It-test tad-deċiżjoni fil-lingwa jew lingwi awtentika/awtentiċi, li minnu tneħħew il-partijiet kunfidenzjali kollha, jinsab fuq is-sit:

http://ec.europa.eu/community_law/state_aids/


13.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 160/12


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Każ COMP/M.4572 — Vinnolit/Ineos CV's Specialty PVC Business)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2007/C 160/04)

Fis-26 ta' Ġunju 2007, il-Kummissjoni iddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq komuni. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004. It-test kollu tad-deċiżjoni jinsab fuq Ingliż u se jkun ippubblikat wara li jkun meħlus minn kwalunkwe sigrieti tan-negozju li jista' jkun fih. Hu jinstab:

mill-websajt tal-kompetizzjoni ta' l-Europa (http://ec.europa.eu/comm/competition/mergers/cases/). Dan il-websajt jipprovdi faċilitajiet varji biex jgħinu jinstabu deċiżjonijiet individwali ta' fużjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u indiċi settorali.

F'forma elettronika fil-websajt EUR-Lex fid-dokument numru 32007M4572. EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi Ewropea. (http://eur-lex.europa.eu)


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MILL-ISTITUZZJONIJIET U L-ORGANI TA' L-UNJONI EWROPEA

Kummissjoni

13.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 160/13


Rata tal-kambju ta' l-euro (1)

It-12 ta' Lulju 2007

(2007/C 160/05)

1 euro=

 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,3788

JPY

Yen Ġappuniż

168,39

DKK

Krona Daniża

7,4414

GBP

Lira Sterlina

0,67830

SEK

Krona Żvediża

9,1448

CHF

Frank Żvizzeru

1,6574

ISK

Krona Iżlandiża

83,23

NOK

Krona Norveġiża

7,9325

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CYP

Lira Ċiprijotta

0,5842

CZK

Krona Ċeka

28,353

EEK

Krona Estona

15,6466

HUF

Forint Ungeriż

246,63

LTL

Litas Litwan

3,4528

LVL

Lats Latvjan

0,6971

MTL

Lira Maltija

0,4293

PLN

Zloty Pollakk

3,7581

RON

Leu Rumen

3,1380

SKK

Krona Slovakka

33,282

TRY

Lira Turka

1,7720

AUD

Dollaru Awstraljan

1,5967

CAD

Dollaru Kanadiż

1,4484

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

10,7771

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,7630

SGD

Dollaru tas-Singapor

2,0897

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 266,15

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

9,6744

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

10,4338

HRK

Kuna Kroata

7,2960

IDR

Rupiah Indoneżjan

12 491,93

MYR

Ringgit Malażjan

4,7575

PHP

Peso Filippin

63,328

RUB

Rouble Russu

35,1620

THB

Baht Tajlandiż

42,743


(1)  

Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


V Avviżi

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

Uffiċċju Ewropew għall-Għażla tal-Personal

13.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 160/14


Emenda għall-avviż ta' kompetizzjoni EPSO/AD/95/07

(il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea C 103 A tat-8 ta' Mejju 2007)

(2007/C 160/06)

L-Uffiċċju Ewropew għall-Għażla tal-Personal (EPSO) qed jorganizza din il-kompetizzjoni ġenerali:

EPSO/AD/95/07 — Amministraturi (AD5) fil-qasam ta' l-“Informazzjoni (Librerija/Dokumentazzjoni)”

Għal din il-kompetizzjoni huwa meħtieġ livell universitarju ta' tliet snin fil-qasam jew livell universitarju ta' tliet snin segwit bi kwalifika speċjalizzata fil-qasam.

L-ebda esperjenza professjonali mhi mitluba.

Din il-kompetizzjoni hija ppubblikata bil-Ġermaniż, bl-Ingliż u bil-Franċiż. L-informazzjoni kollha tinsab fuq is-sit ta' l-EPSO http://europa.eu/epso f'dawn it-tliet lingwi.

Dan l-avviż ta' kompetizzjoni kif ukoll l-avviż ta' informazzjoni fid-19-il verżjoni lingwistika l-oħra ġew ippubblikati fl-edizzjonijiet Ingliżi, Franċiżi u Ġermaniżi tal-Ġurnal Uffiċjali tat-8 ta' Mejju 2007.

Biex l-informazzjoni tkun iktar disponibbli, l-awtorità li taħtar iddeċidiet li tippubblika dan l-avviż ta' informazzjoni fid-19-il verżjoni lingwistika ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali u konsegwentement li terġa' tiftaħ id-data ta' l-għeluq għall-preżentazzjoni ta' l-applikazzjonijiet. Id-data ta' l-għeluq il-ġdida ser tkun14 Awissu 2007.

Il-ftuħ mill-ġdid tal-perjodu ta' applikazzjoni bl-ebda mod ma jaffettwa l-pożizzjoni ta' dawk il-kandidati li huma diġà rreġistrati.

Ħlief jekk ma jkunx indikat mod ieħor, l-avviżi oriġinali tal-kompetizzjoni mhux ser jinbidlu. B'mod partikolari, il-kriterji għall-ammissjoni ser jibqgħu l-istess bħal dawk ippreżentati f'dan l-avviż: kwalunkwe persuna li tapprofitta ruħha mill-ftuħ mill-ġdid taż-żmien biex tagħmel l-ewwel applikazzjoni għandha tivverifika li tkun issodisfat dawk il-kondizzjonijiet fid-data ta' l-għelqu imsemmija fl-avviż ta' kompetizzjoni oriġinali (jiġifieri fis-7 ta' Ġunju 2007).

IMPORTANTI: il-kandidati li l-applikazzjoni tagħhom diġà ġiet irreġistrata fid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż ma jistgħux jippreżentaw ruħhom it-tieni darba. Dan japplika wkoll għal dawk li diġà għamlu l-eżami kif ukoll għal dawk il-kandidati li kienu applikaw iżda li ma għamlux l-eżami.

L-informazzjoni utli kollha tinsab fuq is-sit internet ta' l-EPSO.


ATTI OĦRAJN

Kummissjoni

13.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 160/15


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skond l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet ta' l-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-oġġetti ta' l-ikel

(2007/C 160/07)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skond l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu l-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

SINTEŻI

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) NRU 510/2006

“CIPOLLA ROSSA DI TROPEA CALABRIA”

Nru tal-KE.: IT/PGI/005/0369/20.9.2004

DPO ( ) IĠP ( X )

Din is-sinteżi tagħti l-elementi ewlenin ta' l-ispeċifikazzjoni tal-prodott b'għan informattiv biss.

1.   Dipartiment responsabbli fl-Istat Membru:

Isem:

Ministero delle Politiche agricole e forestali

Indirizz:

Via XX Settembre, 20

I-00187 Roma

Tel.:

(39) 06 481 99 68

Feks:

(39) 06 42 01 31 26

Posta elettronika:

QTC3@politicheagricole.it

2.   Grupp:

Isem:

Accademia tutela Cipolla Rossa di Tropea

Indirizz:

Via Provinciale — Santa Domenica

I-89865 Ricadi (VV)

Tel:

(39) 0963 66 95 23

Feks:

(39) 0963 66 95 23

Posta elettronika:

Kompożizzjoni:

Produtturi/proċessuri ( X ) oħrajn ( )

3.   Tip ta' prodott:

Klassi 1.6: Frott, ħaxix u ċereali fl-istat naturali jew ipproċessati

4.   Speċifikazzjoni:

(sinteżi tar-rekwiżiti permezz ta' l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

4.1.   Isem: “Cipolla Rossa di Tropea Calabria”

4.2.   Deskrizzjoni: L-Indikazzjoni Ġeografika Protetta (I.Ġ.P.) “Cipolla Rossa di Tropea Calabria”, tfisser il-basal ta' l-Ispeċi Allium Cepa esklussivament ta' l-ekotipi awtoktoni li ġejjin, li jiddistingwu ruħhom mill-forma u l-ħolqien bikri tal-basla minħabba l-influwenza tal-fotoperjodu:

Tondo Piatta” jew “primaticcia” [bikrija];

mezza campana” jew “medio precoce” [relattivament bikrija];

Allungata” jew “tardiva” [imwaħħra]

Hemm tliet tipi tal-prodott:

Cipollotto” [basal tar-ras]:

Lewn: abjad — roża — vjola.

Togħma: ħelwa, ħafifa.

Daqs: ara l-istandards previsti mir-regoli Komunitarji.

Cipolla da consumo fresco” [għall-konsum frisk]:

Lewn: abjad — aħmar fil-vjola.

Togħma: ħelwa u ħafifa.

Daqs: ara l-istandards previsti mir-regoli Komunitarji.

Cipolla da serbo” [għall-ħżin]:

Lewn: abjad — vjola.

Togħma: ħelwa u tqarmeċ.

Daqs: ara l-istandards previsti mir-regoli Komunitarji.

4.3.   Żona ġeografika: Iż-żona ta' produzzjoni taċ-“Cipolla Rossa di Tropea Calabria” I.Ġ.P. tinkludi l-artijiet adatti fit-territorju amministrattiv, kollu jew parti minnu, ta' dawn il-komuni tal-Kalabrja:

Provinċja ta' Cosenza: parti mill-komuni ta' Fiumefreddo, Longobardi, Serra d'Aiello, Belmonte, Amantea.

Provinċja ta' Catanzaro: parti mill-komuni ta' Nocera Terinese, Falerna, Gizzeria, Lamezia Terme, Curinga,

Provinċja ta' Vibo Valentia: parti mill-komuni ta' Pizzo, Vibo Valentia, Briatico, Parghelia, Zambrone, Zaccanopoli, Zungri, Drapia, Tropea, Ricadi, Spilinga, Joppolo, Nicotera.

4.4.   Prova ta' l-oriġini: Bil-għan li titħares id-denominazzjoni ġeografika, inħolqot sistema ta' ċertifikazzjoni li tiggarantixxi wkoll it-traċċabbiltà tal-fażijiet varji ta' produzzjoni. Għaldaqstant, il-produtturi taċ-“Cipolla Rossa di Tropea- Calabria”, il-pakkettaturi u l-art katastali li fuqha jsir it-tkabbir għandhom jitniżżlu f'listi speċifiċi ġestiti mill-organu ta' spezzjoni.

4.5.   Metodu ta' produzzjoni: Il-proċess produttiv fil-qosor huwa dan. It-taħwil taċ-“Cipolla Rossa di Tropea Calabria” jsir minn Awissu. Il-wisa' bejn kull taħwila skond l-art u t-teknika użata, ivarja minn 4 sa 20 ċm fir-ringieli u 10 sa 22 ċm bejn ir-ringieli b'densità varjabbli minn 250 000 xitla/ettaru sa 900 000 xitla/ettaru, din ta' l-aħħar ikollha erba' basliet f'kull toqba għat-taħwil definittiv fil-ħamrija. Fost l-operazzjonijiet tat-tkabbir regolari, it-tisqija varjabbli tintuża skond ix-xejra pluvjometrika. Wara li jinħasdu ċ-“cipollotti”, titneħħa l-qoxra [tonka] esterna maħmuġa bil-ħamrija, tinqata' l-faxxina għal tul ta' 40 ċm u wara jitqiegħdu f'kaxex f'qatet. Għat-tip għall-konsum frisk, il-basliet li minnhom titneħħa l-qoxra [tonka] esterna tinqatgħalhom il-faxxina jekk hija itwal minn 60 ċm u mbagħad miġbura f'qatet ta' 5-8 kg u mqiegħda f'ċestuni jew kaxex. Għat-tip li jinħażen, il-basliet jitqiegħdu fuq mogħdijat ma' l-art u jitgħattew mill-istess faxxina, li jitħallew għal żmien varjabbli minn 8 sa 15-il jum biex jinxfu, isiru aktar kompatti, reżistenti u jitlewnu b'aħmar jgħajjat. Ladarba jkunu nixfu tista' titneħħa l-faxxina mill-basliet jew, jekk tinżamm, tintuża biex jissawru f'malji.

Kull min hu bi ħsiebu jipproduċi l-Identifikazzjoni Ġeografika Protetta “Cipolla Rossa di Tropea Calabria” għandu jżomm rigorożament ma' dak li hemm imniżżel fl-ispeċifikazzjoni ddepożitata ma' l-UE. L-operazzjonijiet ta' pproċessar għandhom isiru fiż-żona indikata fil-punt 4.3 sabiex tkun garantita t-traċċabbiltà u l-kontroll u biex tinżamm il-kwalità tal-prodott.

4.6.   Rabta: It-talba għar-rikonoxximent taċ-“Cipolla Rossa di Tropea Calabria” IĠP hija ġġustifikata mir-reputazzjoni u l-fama tal-prodott li nkisbu, fost l-oħrajn, minħabba bosta inizjattivi promozzjonali, kif juru s-sorsi storiċi u bibljografiċi.

Iċ-“Cipolla Rossa di Tropea Calabria” hija magħrufa għall-karatteristiċi kwalitattivi u organolettiċi tagħha, bħalma huma l-irtubija tal-basliet, il-ħlewwa, id-diġeribbiltà partikolari tagħha, u l-kontenut baxx ħafna ta' sustanzi tal-kubrit, li ma jagħmluhiex ħarra u taħraq ħafna u b'hekk jiddeterminaw il-grad għoli ta' diġeribbiltà. Dawn il-karatteristiċi jippermettu li ċ-“Cipolla Rossa di Tropea Calabria” tiddewwaq anki nejja f'kwantitajiet ċertament ogħla meta mqabbla ma' dawk ta' basla normali.

Skond diversi sorsi storiċi u bibljografiċi, il-basla taf l-introduzzjoni tagħha fil-baċir tal-Mediterran u f'Kalabrja qabel żmien il-Feniċi u wara l-Griegi. Hija kienet apprezzata ħafna fil-Medjuevu u fir-Rinaxximent u meqjusa bħala l-prodott ewlieni ta' l-ikel u ta' l-ekonomija lokali, kif ukoll kienet titpartat fil-post u mibjugħa u esportata bil-baħar sat-Tuneżija, l-Alġerija u l-Greċja. Fil-kitbiet ta' bosta vjaġġaturi li kienu jaslu Kalabrja bejn l-1700 u l-1800 u jżuru l-kosta tat-Tirrenu minn Pizzo sa Tropea, insibu ċitazzjonijiet li jsemmu l-komuni “Cipolle Rosse” [Basal Aħmar]. Il-basal minn dejjem kien preżenti fl-ikel tal-bdiewa u fil-produzzjonijiet lokali; diġà fl-1905, il-vjaġġatur f'Kalabrja, id-Dr. Albert fuq żjara fi Tropea kien impressjonat bil-faqar tal-bdiewa li ma kinux jieklu ħlief basal. Fl-ewwel snin tas-seklu Għoxrin, il-basla ta' Tropea ma baqgħetx titkabbar fil-btieħi tal-familji u bdiet titkabbar fuq meded imdaqqsa; fl-1929, l-akkwedott ta' Valle Ruffa ppermetta t-tisqija, ġabriet akbar tal-prodott u titjib tal-kwalità. Fil-perjodu taħt il-Borboni, il-prodott infirex b'aktar impuls lejn is-swieq ta' l-Ewropa tat-Tramuntana biex fi żmien qasir sar prodott popolari u apprezzat tajjeb kif hemm imniżżel fl-i“Studi sulla Calabria” — 1901, li jirreferi wkoll għall-forma tal-basla u l-basliet ħomor u oblungi ta' Kalabrja. L-ewwel stħarriġ statistiku organizzat dwar it-tkabbir tal-basal f'Kalabrja jinsab fl-“Enciclopedia agraria Reda” (1936-39). Il-karatteristiċi uniċi marbuta mat-tip ta' merkanzija li taw lill-prodott fama fuq livell nazzjonali u speċjalment il-valur storiku u kulturali li għadu sal-lum ħaj u preżenti fil-prassi tat-tkabbir, fil-kċina, fl-espressjonijiet idjomatiċi ta' kuljum u fl-avvenimenti folkloristiċi fiż-żona kkonċernata, għamlu l-prodott suġġett għal imitazzjoni u ffalsifikar tad-denominazzjoni.

Il-produzzjoni taċ-“Cipolla Rossa di Tropea Calabria” ssir f'art ramlija jew tendenzjalment ramlija, ta' konsistenza medja, b'nisġa “loam”-taflija jew bil-“loam” li tinsab mal-kosta jew maġenb xmajjar u nixxigħat li ffurmaw ruħhom mill-għargħar li minkejja li fihom iċ-ċagħaq ma jxekklux l-iżvilupp u t-tkabbir tal-basla. L-art mal-kosta hija adatta għat-tkabbir tal-basal bikri għall-konsum frisk, dik ta' ġewwa, ta' sura taflija u “loam”-taflija għall-basal imwaħħar għall-ħżin. Illum bħal fl-imgħoddi, il-basal aħmar huwa preżenti fil-btieħi tal-familji kif ukoll fil-meded ta' art wiesgħa, fil-pajsaġġ rurali, fl-ikel anki dak lokali u fir-riċetti tradizzjonali.

Il-karatteristiċi pedoklimatiċi tat-territorju kkonċernat jippermettu li jinkiseb prodott ta' kwalità għolja, uniku fix-xorta tiegħu, b'reputazzjoni magħrufa mad-dinja kollha.

4.7.   Organu ta' spezzjoni:

Isem:

Associazione Italiana Agricoltura Biologica (A.I.A.B.)

Indirizz:

via Piave, 14

I-00187 Roma

Tel.:

Feks:

Posta elettronika:

4.8.   Tikkettar: Biex il-basliet deżinjati bħala I.Ġ.P. “Cipolla Rossa di Tropea Calabria” jiddaħħlu fil-konsum, dawn għandhom ikunu ppakkjati skond dawn il-modalitajiet: iċ-“cipollotti” jinġabru f'qatet u jitqiegħdu f'kaxex tal-kartun, plastik jew injam, lesti biex jinbiegħu; il-basal għall-konsum frisk jinġabar f'qatet ta' 5-8 kg u mqiegħda f'ċestuni jew kaxex. Għall-basal għall-ħżin, l-ippakkjar, b'piż li jvarja sa massimu ta' 25 kg, isir f'boroż jew kaxex. L-għadd ta' basliet biex tissawwar malja, indipendentement mid-daqs, jibda minn minimu ta' 6 basliet u għall-istess imballaġġ, l-għadd u l-piż għandhom ikunu uniformi. Fuq il-kontenituri, għandu jkun indikat il-kliem “Cipolla Rossa di Tropea Calabria” I.G.P. flimkien mat-tip speċifiku: “cipollotto”, “cipolla da consumo fresco”, “cipolla da serbo” u l-logo. Fuq il-kontenituri għandu jidher l-isem, isem l-azjenda u l-indirizz tal-produttur u dak li jkun il-pakkettatur tal-prodott, kif ukoll il-piż nett kif mibjugħ. Il-logo jikkonsisti fil-blata ta' Tropea li fuqha nbena s-Santwarju Benedittin ta' Santa Maria dell'Isola. Aktar dettalji deskrittivi tal-logo jinsabu fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

Il-prodotti li għall-preparazzjoni tagħhom tintuża ċ-“Cipolla Rossa di Tropea Calabria” I.Ġ.P., anki wara l-proċessi ta' pproċessar u ta' trattament, jistgħu jitqiegħdu għall-konsum f'pakketti b'referenza għall-Indikazzjoni Ġeografika Protetta msemmija mingħajr ma jitwaħħal il-logo Komunitarju, bil-kundizzjoni li:

il-prodott bl-Indikazzjoni Ġeografika Protetta, iċċertifikat bħala tali, jikkostitwixxi l-komponent esklussiv tal-kategorija tal-merkanzija;

l-utenti tal-prodotti bl-Indikazzjoni Ġeografika Protetta huma awtorizzati minn dawk fil-pussess tad-dritt tal-proprjetà intellettwali mogħti mir-reġistrazzjoni ta' l-I.Ġ.P. li jiltaqgħu f'konsorzju inkarigat għall-ħarsien mill-“Ministero delle Politiche Agricole”. Dan l-istess konsorzju inkarigat għandu jniżżilhom ukoll f'reġistri speċifiċi u se jissorvelja fuq l-użu korrett ta' l-Indikazzjoni Ġeografika Protetta. Fin-nuqqas ta' konsorzju għall-ħarsien inkarigat, il-qadi tad-dmirijiet imsemmijin hawn fuq se jsir mill-“Ministero delle politiche agricole alimentari e forestali” (Mipaf), billi huwa l-awtorità nazzjonali inkarigata mill-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) 510/2006.

L-użu mhux esklussiv ta' l-Indikazzjoni Ġeografika Protetta jippermetti biss referenza għaliha, skond ir-regoli fis-seħħ, fost l-ingredjenti tal-prodott li fih ikun hemm l-Indikazzjoni Ġeografika Protetta, jew li fih ġie pproċessat jew ittrattat.


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.


13.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 160/19


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skond l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet ta' l-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-oġġetti ta' l-ikel

(2007/C 160/08)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skond l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu l-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

SINTEŻI

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“MARRONE DI ROCCADASPIDE”

Nru tal-KE.: IT/PGI/005/0447/3.1.2005

DPO ( ) IĠP ( X )

Din is-sinteżi tagħti l-elementi ewlenin ta' l-ispeċifikazzjoni tal-prodott b'għan informattiv biss.

1.   Dipartiment responsabbli fl-Istat Membru:

Isem:

Ministero delle Politiche agricole e forestali

Indirizz:

Via XX Settembre, 20

I-00187 Roma

Tel.:

(39) 06 481 99 68

Feks:

(39) 06 42 01 31 26

Posta elettronika:

qtc3@politicheagricole.it

2.   Grupp:

Isem:

Cooperativa Agricola «Il Marrone» A r.l.

Indirizz:

Via Gaetano Giuliani, 28

Roccadaspide (SA) (Italia)

Tel.:

(39) 082 894 74 96

Feks:

(39) 082 894 83 24

Posta elettronika:

coop.ilmarrone@tiscali.it

Kompożizzjoni:

Produtturi/proċessuri ( X ) oħrajn ( )

3.   Tip ta' prodott:

Klassi 1.6 — Frott, ħaxix u ċereali fl-istat naturali jew ipproċessati ta' l-Anness 1 — Qastan

4.   Speċifikazzjoni:

(sinteżi tar-rekwiżiti permezz ta' l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

4.1.   Isem: “Marrone di Roccadaspide”

4.2.   Deskrizzjoni: Il-“Marrone ta' Roccadaspide” I.Ġ.P. tfisser il-frotta miksuba mill-ekotipi Anserta, Abate u Castagna Rossa tal-varjetà tal-“Marrone” [Qastan]. Waqt l-introduzzjoni għall-konsum, fl-istat frisk, għandu jkollu dawn il-karatteristiċi li ġejjin: għamla tal-frotta: tendenzjalment semisferika, kultant ftit ellissojdali; perikarpu: lewn il-qastan skur, tendenzjalment jagħti fl-aħmar, bi striji skuri li ġeneralment bilkemm jiġu nnutati; episperma: irqiqa, bilkemm imdeffsa fiż-żerriegħa, tendenzjalment aderenti; daqs: mhux aktar minn 85 frotta kull kilo prodott magħżul u/jew imkejjel; żerriegħa: bajda lewn il-ħalib, b'polpa konsistenti, togħma ħelwa, stabbilita għal mhux aktar minn 5 %. Meta kkummerċjalizzata bħala mnixxfa (bil-qoxra jew mingħajrha), għandu jkollha dawn il-karatteristiċi: (a) qastan imnixxef bil-qoxra: umdità fil-frotta sħiħa: mhux aktar minn 15 %; il-prodott għandu jkun ħieles minn kull tniġġisa attiva ta' kull sura (larvi ta' insetti, moffa, eċċ.); ġabriet tal-prodott imnixxef bil-qoxra: mhux aktar minn 50 % f'piż. (b) qastan imnixxef mingħajr qoxra: għandu jkun b'saħħtu, ta' lewn bajdani lelluxi u b'mhux aktar minn 20 % difetti (traċċi ta' dud, deformazzjonijiet, eċċ.).

L-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Marrone di Roccadaspide” hija kkaratterizzata minn togħma ħelwa qawwija u kontenut għoli ta' zokkor. Fost l-aspetti organolettiċi l-oħra, hemm it-texture li jqarmeċ u ftit dqiqi.

Il-karatteristiċi organolettiċi huma vverifikati minn bord ta' uffiċjali inkarigati li jduqu l-prodott maħtur mill-organu ta' spezzjoni.

4.3.   Żona ġeografika: Iż-żona ta' produzzjoni ta' l-I.Ġ.P. “Marrone di Roccadaspide” tinkludi t-territorju li jinsab 'il fuq minn 250 metru mil-livell tal-baħar tal-komuni tal-provinċja ta' Salerno, identifikati fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

4.4.   Prova ta' l-oriġini: Il-fażijiet kollha tal-proċess ta' produzzjoni għandhom ikunu mmonitorjati billi jiġi ddokumentat l-input (il-prodotti li jidħlu) u l-output (il-prodotti li joħorġu). B'dan il-mod u permezz ta' tniżżil f'listi speċifiċi, ġestiti mill-organu ta' spezzjoni, tal-produtturi, ta' l-artijiet katastali li fuqhom jsir it-tkabbir u tal-pakkettaturi, tiġi garantita t-traċċabbiltà tal-prodott tul il-katina kollha tal-produzzjoni. Il-persuni kollha, fiżiċi jew ġuridiċi, imniżżla fil-listi relatati, se jkunu suġġetti għall-kontroll mill-organu ta' spezzjoni, skond kif previst mill-ispeċifikazzjoni tal-produzzjoni u tal-pjan ta' kontroll relatat. F'każ li l-organu ta' spezzjoni jsib nuqqas ta' konformità, anki jekk f'waħda mill-fażijiet tal-katina tal-produzzjoni, il-prodott ma jkunx jista' jiġi kkummerċjalizzat bl-indikazzjoni ġeografika protetta “Marrone di Roccadaspide”.

4.5.   Metodu ta' produzzjoni: Fost affarijiet oħra, l-ispeċifikazzjoni tipprevedi li d-densità kull ettaru ma tkunx aktar minn 130 xitla fil-fażi tal-produzzjoni sħiħa.

It-tkabbir isir bil-metodu tal-volum b'kontenitur semi-liberu. L-istruttura titqiegħed f'għoli ta' 200 ċm mill-art. Jintużaw fergħat bikrin mix-xhur tas-Sajf u tal-Ħarifa biex is-siġar jixxebilku magħhom. Is-siġar jinżabru f'intervalli ta' mhux aktar minn ħames snin. Billi hija permeabbli ħafna, il-ħamrija ma teħtieġx xogħlijiet partikolari ta' l-ilma biex ikun evitat l-istaġnar ta' l-ilmijiet meteoriċi. Minħabba dan, il-ħamrija ma tinħadimx. Il-kisja ta' l-art bil-ħaxix għandha tinqata' meta tilħaq it-30-40 ċm.

Il-ħsad għandu jsir fil-Ħarifa sa l-ewwel għaxart ijiem ta' Novembru, b'perjodi ta' ħsad ta' mhux aktar minn ġimagħtejn; dan isir manwalment u b'magni tal-ħsad adatti biex jissalvagwardaw l-integrità tal-prodott.

Il-fażijiet kollha tal-produzzjoni u ta' l-ipproċessar tal-prodott, għajr l-ippakkjar, isiru fit-territorju tal-komuni mniżżla fl-Artikolu 4 u dan jiggarantixxi t-traċċabbiltà u l-kontroll tal-prodott.

4.6.   Rabta: L-artijiet taċ-Cilento għandhom il-kundizzjonijiet favorevoli għat-tkabbir tal-qastan billi huma ta' oriġini vulkanika, għandhom reazzjoni aċida jew newtrali (pH bejn 4.5 u 6.5), b'kontenut għoli ta' minerali, fondi u friski u la jżommu l-ilma u lanqas ma huma asfittiċi. It-temperatura medja annwali hija bejn + 8 °C u + 15 °C. L-ammont ta' xita li tinżel f'sena huwa aktar minn 600-800 mm. Għalhekk, iż-żona hija kkaratterizzata minn klima tipikament Mediterranja b'Xtiewi pjuttost defjin u Sjuf b'perjodi, aktarx twal, nixfin. F'dan l-ambjent, anki t-temperaturi kemmxejn baxxi jiffavorixxu produzzjoni qawwija ta' frott ta' l-iprem kwalità. Il-preżenza ta' ġonna bis-siġar tal-qastan imkabbra, fil-provinċja ta' Salerno hija ddokumentata mill-epoka Medjevali bis-saħħa ta' kuntratti qodma bejn bdiewa u sidien li nżammu fl-arkivju ta' l-Abbazija Benedittina ta' Cava de' Tirreni, il-magħruf “Codex diplomaticus cavensis”. Il-patrijiet Bażiljani wkoll taw il-kontribut tagħhom għat-tixird tat-tkabbir tal-qastan f'xi żoni taċ-Cilento. Barra minn hekk, l-istorja u t-teknika tat-tkabbir li għaddiet minn ġidd għal ġidd ippermettiet li anki l-preżenza tal-bniedem bil-kapaċitajiet tiegħu u x-xogħol sieber tiegħu tirrappreżenta rabta qawwija ħafna bejn dan il-prodott u l-madwar tiegħu. Sa mill-1800, il-qastan mhux biss irrappreżenta ikel indispensabbli għall-popolazzjoni lokali, iżda kellu rwol importanti fl-ekonomija lokali billi kien merkanzija għat-tpartit mal-popolazzjonijiet tal-madwar. Tul is-sekli, festi, kitbiet u riċetti komplew jorbtu l-qastan ma' dawn it-territorji. Għaldaqstant, għerf il-bniedem u l-karatteristiċi pedoklimatiċi kkumbinati hekk tajjeb bejniethom jagħtu lill-prodott dawk il-karatteristiċi li jagħmluh uniku fix-xorta tiegħu u għanewh b'reputazzjoni indiskutibbli.

4.7.   Organu ta' spezzjoni:

Isem:

ISMECERT

Indirizz:

Centro Direzionale Isola G1

I-80143 Napoli

Tel.:

(39) 081 787 97 89

Feks:

(39) 081 604 01 76

Posta elettronika:

info@ismecert.it

4.8.   Tikkettar: Fuq il-pakketti jew fuq it-tikketti mwaħħla għandhom jitniżżlu, b'ittri kbar ċari u leġġibbli, ta' l-istess daqs, l-indikazzjonijiet: “Marrone di Roccadaspide” u wara: “Indicazione Geografica Protetta” (jew it-taqsira bit-Taljan I.G.P.); l-isem, isem l-azjenda u l-indirizz ta' l-azjenda ta' l-ippakkjar jew tal-produzzjoni; il-kwantità tal-prodott li effettivament fih il-pakkett, il-logo ta' l-I.Ġ.P. L-indikazzjonijiet kollha jistgħu jintwerew fuq it-tikketta b'ittri b'għoli u wisa' mhux aktar minn nofs dawk użati jew jindikaw l-Indikazzjoni Ġeografika Protetta. Il-logo huwa magħmul minn żewġ ellissi, xbieha tal-qastan mmejla f'41,6 ° lejn il-lemin, u l-kliem “Marrone di Roccadaspide” b'warajhom l-indikazzjoni bit-Taljan Indicazione Geografica Protetta. Id-deskrizzjoni tal-logo tinsab fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott. Il-prodotti li għall-preparazzjoni tagħhom tintuża d-denominazzjoni “Marrone di Roccadaspide”, anki wara l-proċess ta' pproċessar u ta' trattament, jistgħu jitqiegħdu għall-konsum f'pakketti b'referenza għad-denominazzjoni msemmija mingħajr ma jitwaħħal il-logo Komunitarju, bil-kundizzjoni li:

il-prodott bid-denominazzjoni “Marrone di Roccadaspide”, iċċertifikat bħala tali, jikkostitwixxi l-komponent esklussiv tal-kategorija tal-merkanzija kkonċernata;

l-utenti tal-prodott bil-denominazzjoni protetta: huma awtorizzati minn dawk fil-pussess tad-dritt tal-proprjetà intellettwali mogħti mir-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni “Marrone di Roccadaspide”, li jiltaqgħu f'Konsorzju inkarigat għall-ħarsien mill-Ministero delle Politiche Agricole e Forestali: Dan l-istess Konsorzju inkarigat għandu jniżżilhom ukoll f'reġistri speċifiċi u se jissorvelja fuq l-użu korrett tad-denominazzjoni protetta: Fin-nuqqas ta' Konsorzju għall-ħarsien inkarigat, il-qadi tad-dmirijiet imsemmijin hawn fuq se jsir mill-Ministero delle Politiche Agricole e Forestali, billi huwa l-awtorità nazzjonali inkarigata mill-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 510/2006.

L-użu mhux esklussiv ta' qastan b'denominazzjoni “Marrone di Roccadaspide” jippermetti biss referenza għaliha, skond ir-regoli fis-seħħ, fost l-ingredjenti tal-prodott li fih ikun hemm l-Indikazzjoni Ġeografika Protetta, jew li fih ġie pproċessat jew ittrattat.


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12..