ISSN 1725-5015

Il-Ġurnal Uffiċjali

ta’ l-Unjoni Ewropea

C 310

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 47
16 ta' Diċembru 2004


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

2004/C 310/1

Trattat Li Jistabbilixxi kostituzzjoni għall-Ewropa

1

PREAMBOLU

3

PARTI I

11

TIFSIR U GĦANIJIET TA' L-UNJONI

11

DRITTIJIET FUNDAMENTALI U Ċ-ĊITTADINANZA TA' L-UNJONI

13

KOMPETENZI TA' L-UNJONI

14

ISTITUZZJONIJIET U KORPI TA' L-UNJONI

18

IL-QAFAS ISTITUZZJONALI

18

L-ISTITUZZJONIJIET L-OħRA U L-KORPI KONSULTATTIVI TA'L-UNJONI

25

EŻERĊIZZJU TAL-KOMPETENZI TA' L-UNJONI

26

DISPOSIZZJONIJIET KOMUNI

26

DISPOSIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI

29

KOPERAZZJONI MSAĦĦA

33

ĦAJJA DEMOKRATIKA TA' L-UNJONI

34

FINANZI TA' L-UNJONI

36

L-UNJONI U L-ĠIRIEN TAGĦHA

38

SĦUBIJA FL-UNJONI

38

IL-KARTA TAD-DRITTIJIET FUNDAMENTALI TA' L-UNJONI

41

PREAMBOLU

41

DINJITÀ

42

LIBERTAJIET

43

UGWALJANZA

46

SOLIDARJETÀ

47

ĊITTADINANZA

50

ĠUSTIZZJA

52

DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI LI JIRREGOLAW L-INTERPRETAZZJONI U L-APPLIKAZZJONI TAL-KARTA L-APPLIKAZZJONI TAL-KARTA

53

POLITIKA U FUNZJONAMENT TA' L-UNJONI

55

DISPOSIZZJONIJIET TA' APPLIKAZZJONI ĠENERALI

55

NON-DISKRIMINAZZJONI U ĊITTADINANZA

56

POLITIKA U AZZJONIJIET INTERNI

58

SUQ INTERN

58

Stabbiliment u funzjonament tas-Suq Intern

58

Moviment liberu ta' persuni u ta' servizzi

59

Ħaddiema

59

Libertà ta' stabbiliment

61

Libertà tal-provvista ta' servizzi

63

Moviment liberu tal-merkanzija

64

Unjoni Doganali

64

Koperazzjoni doganali

65

Projbizzjoni ta' restrizzjonijiet kwantitattivi

65

Kapital u pagamenti

66

Regoli dwar il-kompetizzjoni

68

Regoli li japplikaw għal impriżi

68

Għajnuniet mill-Istati Membri

71

Disposizzjonijiet fiskali

73

Disposizzjonijiet komuni

73

POLITIKA EKONOMIKA U MONETARJA

76

Politika ekonomika

76

Politika monetarja

81

Disposizzjonijiet istituzzjonali

84

Disposizzjonijiet speċifiċi għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro

85

Disposizzjonijiet transitorji

86

POLITIKA F'OQSMA OĦRA

91

Impjieg

91

Politika soċjali

93

Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali

98

Agrikoltura u sajd

99

Ambjent

103

Protezzjoni tal-konsumatur

105

Trasport

105

Rettikolati trans-Ewropej

108

Riċerka u żvilupp teknoloġiku, u l-Ispazju

109

Enerġija

112

ŻONA TA' LIBERTÀ, SIGURTÀ U ĠUSTIZZJA

113

Disposizzjonijiet ġenerali

113

Politika dwar kontrolli fuq il-fruntieri, l-asil u l-immigrazzjoni

114

Koperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili

117

Koperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali

118

Koperazzjoni tal-pulizija

121

OQSMA FEJN L-UNJONI TISTA' TIDDEċiedi li TIEĦU AZZJONI TA' SOSTENN, TA' KORDINAZZJONI JEW KUMPLIMENTARI

123

Saħħa pubblika

123

Industrija

125

Kultura

125

Turiżmu

126

Edukazzjoni, żgħażagħ, sport u formazzjoni professjonali

127

Protezzjoni ċivili

128

Koperazzjoni amminstrattiva

129

ASSOĊJAZZJONI TAL-PAJJIŻI U T-TERRITORJI EXTRA-EWROPEJ

129

AZZJONI ESTERNA TA' L-UNJONI

131

DISPOSIZZJONIJIET TA' APPLIKAZZJONI ĠENERALI

131

POLITIKA ESTERA U TA' SIGURTÀ KOMUNI

133

Disposizzjonijiet komuni

133

Politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni

138

Disposizzjonijiet finanzjarji

141

POLITIKA KUMMERĊJALI KOMUNI

142

KOPERAZZJONI MA' PAJJIŻI TERZI U GĦAJNUNA UMANITARJA

143

Koperazzjoni għall-iżvilupp

143

Koperazzjoni ekonomika, finanzjarja u teknika ma' pajjiżi terzi

144

Għajnuna umanitarja

145

MIŻURI RESTRITTIVI

146

FTEHIM INTERNAZZJONALI

146

RELAZZJONIJIET TA' L-UNJONI MA' ORGANIZZAZZJONIJIET INTERNAZZJONALI U MA' PAJJIŻI TERZI U DELEGAZZJONIJIET TA' L-UNJONI

149

IMPLIMENTAZZJONI TAL-KLAWŻOLA TA' SOLIDARJETÀ

149

IL-FUNZJONAMENT TA' L-UNJONI

150

KAPITOLU I -DISPOSIZZJONIJIET ISTITUZZJONALI

150

L-istituzzjonijiet

150

Il-Parlament Ewropew

150

Il-Kunsill Ewropew

153

Il-Kunsill tal-Ministri

153

Kummissjoni Ewropea

154

Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea

156

Il-Bank Ċentrali Ewropew

164

Il-Qorti ta' l-Awdituri

165

Korpi konsultattivi ta' l-Unjoni

167

Il-Kumitat tar-Reġjuni

167

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali

168

Il-Bank Ewropew ta' l-Investiment

169

Disposizzjonijiet komuni għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji ta' l-Unjoni

170

DISPOSIZZJONIJIET FINANZJARJI

173

Il-Qafas finanzjarju pluriennali

173

Il-Budget annwali ta' l-Unjoni

174

Implimentazzjoni tal-budget u kwittanza

177

Disposizzjonijiet komuni

178

Ġlieda kontra l-frodi

179

KOPERAZZJONI MSAĦĦA

180

DISPOSIZZJONIJIET KOMUNI

182

DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

186

Protokolli u annessi

203

ATT FINALI

401


 


 

(1)   Din il-Ħarġa Speċjali bil-Malti hija ppubblikata bil-lingwi uffiċjali ta' l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea fil-ĠU C 310.

MT

 


16.12.2004   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 310/1


TRATTAT LI JISTABBILIXXI KOSTITUZZJONI GĦALL-EWROPA

PREAMBOLU

IL-MAESTÀ TIEGĦU R-RE TAL-BELĠJANI, IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA ĊEKA, IL-MAESTÀ TAGĦHA R-REĠINA TAD-DANIMARKA, IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA, IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA TA' L-ESTONJA, IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA ELLENIKA, IL-MAESTÀ TIEGĦU R-RE TA' SPANJA, IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA, IL-PRESIDENT TA' L-IRLANDA, IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA TALJANA, IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA TA' ĊIPRU, IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA TAL-LATVJA, IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA TAL-LITWANJA, L-ALTEZZA RJALI TIEGĦU L-GRAN DUKA TAL-LUSSEMBURGU, IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA TA' L-UNGERIJA, IL-PRESIDENT TA' MALTA, IL-MAESTÀ TAGĦHA R-REĠINA TA' L-OLANDA, IL-PRESIDENT FEDERALI TAR-REPUBBLIKA TA' L-AWSTRIJA, IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA TAL-POLONJA, IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA PORTUGIŻA, IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA TAS-SLOVENJA, IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA SLOVAKKA, IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA TAL-FINLANDJA, IL-GVERN TAR-RENJU TA' L-ISVEZJA, IL-MAESTÀ TAGĦHA R-REĠINA TAR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA' FUQ,

ISPIRATI mill-patrimonju kulturali, religjuż u umanistà ta' l-Ewropa, li minnu żviluppaw il-valuri universali tad-drittijiet tal-bniedem li ma jistgħux jiġu vjolati u lanqas aljenati, l-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, u l-prinċipju ta' l-istat tad-dritt;

BILLI JEMMNU li l-Ewropa, maqgħuda mill-ġdid wara esperjenzi koroh, bi ħsiebha tkompli ssegwi t-triq taċ-ċiviltà, il-progress u l-prosperità, għall-ġid ta' l-abitanti kollha tagħha, inklużi dawk l-iktar dgħajfin u l-iktar neqsin; li tixtieq tibqa' kontinent miftuħ għall-kultura, it-tagħlim u l-progress soċjali; u li tixtieq issaħħaħ in-natura demokratika u trasparenti tal-ħajja pubblika tagħha, u taħdem għall-paċi, il-ġustizzja u s-solidarjetà fid-dinja;

PERSWAŻI li l-popli ta' l-Ewropa, filwaqt li jibqgħu kburin bl-identità u bl-istorja nazzjonali tagħhom, huma determinati li jittraxxendu d-diviżjonijiet ta' qabel tagħhom, u, maqgħudin dejjem aktar, isawru destin komuni;

PERSWAŻI li, għaldaqstant “Maqgħuda fid-diversità”, l-Ewropa toffri lill-popli ta' l-Ewropa l-aħjar opportunità, fir-rispett tad-drittijiet ta' kull individwu u fl-għarfien tar-responsabbiltajiet tagħhom lejn il-ġenerazzjonijiet futuri u lejn il-pjaneta, li jsegwu l-avventura kbira li tagħmilha spazju privileġġjat ta' tama ta' l-umanità;

DETERMINATI li jkomplu x-xogħol li diġà sar fil-qafas tat-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, billi jiżguraw il-kontinwità ta' l-acquis tal-Komunità;

GRATI LEJN il-membri tal-Konvenzjoni Ewropea talli ppreparaw l-abbozz ta' din il-Kostituzzjoni għan-nom taċ-ċittadini u ta' l-Istati ta' l-Ewropa,

IL-MAESTÀ TIEGĦU R-RE TAL-BELĠJANI,

Guy VERHOFSTADT

Prim Ministru

Karel DE GUCHT

Ministru ta' l-Affarijiet Barranin

IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA ĊEKA,

Stanislav GROSS

Prim Ministru

Cyril SVOBODA

Ministru ta' l-Affarijiet Barranin

IL-MAESTÀ TAGĦHA R-REĠINA TAD-DANIMARKA,

Anders Fogh RASMUSSEN

Prim Ministru

Per Stig MØLLER

Ministru ta' l-Affarijiet Barranin

IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA,

Gerhard SCHRÖDER

Kanċillier Federali

Joseph FISCHER

Ministru Federali ta' l-Affarijiet Barranin u Deputat Kanċillier Federali

IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA TA' L-ESTONJA,

Juhan PARTS

Prim Ministru

Kristina OJULAND

Ministru ta' l-Affarijiet Barranin

IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA ELLENIKA,

Kostas KARMANLIS

Prim Ministru

Petros G. MOLYVIATIS

Ministru ta' l-Affarijiet Barranin

IL-MAESTÀ TIEGĦU R-RE TA' SPANJA,

José Luis RODRÍGUEZ ZAPATERO

President tal-Gvern

Miguel Angel MORATINOS CUYAUBÉ

Ministru ta' l-Affarijiet Barranin u Kooperazzjoni

IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA,

Jacques CHIRAC

President

Jean-Pierre RAFFARIN

Prim Ministru

Michel BARNIER

Ministru ta' l-Affarijiet Barranin

IL-PRESIDENT TA' L-IRLANDA,

Bertie AHERN

Prim Ministru (Taoiseach)

Dermot AHERN

Ministru ta' l-Affarijiet Barranin

IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA TALJANA,

Silvio BERLUSCONI

Prim Ministru

Franco FRATTINI

Ministru ta' l-Affarijiet Barranin

IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA TA' ĊIPRU,

Tassos PAPADOPOULOS

President

George IACOVOU

Ministru ta' l-Affarijiet Barranin

IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA TAL-LATVJA,

Vaira VĪĶE FREBERGA

President

Indulis EMSIS

Prim Ministru

Artis PABRIKS

Ministru ta' l-Affarijiet Barranin

IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA TAL-LITWANJA,

Valdas ADAMKUS

President

Algirdas Mykolas BRAZAUSKAS

Prim Ministru

Antanas VALIONIS

Ministru ta' l-Affarijiet Barranin

L-ALTEZZA RJALI TIEGĦU L-GRAN DUKA TAL-LUSSEMBURGU,

Jean-Claude JUNCKER

Prim Ministru, Ministru ta' l-Istat

Jean ASSELBORN

Viċi-Prim Ministru, Ministru ta' l-Affarijiet Barranin u Immigrazzjoni

IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA TA' L-UNGERIJA,

Ferenc GYURCSÁNY

Prim Ministru

László KOVÁCS

Ministru ta' l-Affarijiet Barranin

IL-PRESIDENT TA' MALTA,

L-Onor. Lawrence GONZI

Prim Ministru

L-Onor. Michael FRENDO

Ministru ta' l-Affarijiet Barranin

IL-MAESTÀ TAGĦHA R-REĠINA TA' L-OLANDA,

Dott. J. P. BALKENENDE

Prim Ministru

Dott. B. R. BOT

Ministru ta' l-Affarijiet Barranin

IL-PRESIDENT FEDERALI TAR-REPUBBLIKA TA' L-AWSTRIJA,

Dott. Wolfgang SCHÜSSEL

Kanċillier Federali

Dott. Ursula PLASSNIK

Ministru Federali ta' l-Affarijiet Barranin

IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA TAL-POLONJA,

Marek BELKA

Prim Ministru

Włodzimiez CIMOSZEWICZ

Ministru ta' l-Affarijiet Barranin

IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA PORTUGIŻA,

Pedro Miguel DE SANTANA LOPES

Prim Ministru

Victor MARTINS MONTEIRO

Ministru ta' l-Affarijiet Barranin u tal-Komunitajiet Portugiżi Barra mill-Pajjiż

IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA TAS-SLOVENJA,

Anton ROP

President tal-Gvern

Ivo VAJGL

Ministru ta' l-Affarijiet Barranin

IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA SLOVAKKA,

Mikuláš DZURINDA

Prim Ministru

Eduard KUKAN

Ministru ta' l-Affarijiet Barranin

IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA TAL-FINLANDJA,

Matti VANHANEN

Prim Ministru

Erkki TUOMIOJA

Ministru ta' l-Affarijiet Barranin

IL-GVERN TAR-RENJU TA' L-ISVEZJA,

Göran PERSSON

Prim Ministru

Laila FREIVALDS

Ministru ta' l-Affarijiet Barranin

IL-MAESTÀ TAGĦHA R-REĠINA TAR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA' FUQ,

Il-Wisq Onor. Tony BLAIR

Prim Ministru

Il-Wisq Onor Jack STRAW

Segretarju ta' l-Istat ta' Affarijiet Barranin u tal-Commonwealth

PARTI I

TITOLU I

TIFSIR U GĦANIJIET TA' L-UNJONI

Artikolu I-1

Stabbiliment ta' l-Unjoni

1.   Ispirata mir-rieda taċ-ċittadini u ta' l-Istati ta' l-Ewropa li jibnu l-futur tagħhom komuni, din il-Kostituzzjoni tistabbilixxi l-Unjoni Ewropea, li lilha l-Istati Membri jikkonferixxu kompetenzi sabiex jintlaħqu l-għanijiet komuni. L-Unjoni għandha tikkordina l-politika li biha l-Istati Membri għandhom il-ħsieb li jilħqu dawn l-għanijiet, u għandha teżerċita fuq bażi Komunitarja l-kompetenzi li jikkonferixxu lilha.

2.   L-Unjoni għandha tkun miftuħa għall-Istati Ewropej kollha li jirrispettaw il-valuri tagħha u li jimpenjaw ruħhom li jippromwovuhom flimkien.

Artikolu I-2

Il-Valuri ta' l-Unjoni

L-Unjoni hija mibnija fuq il-valuri ta' rispett għad-dinjità tal-bniedem, ta' libertà, ta' demokrazija, ta' ugwaljanza, ta' l-istat tad-dritt u tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f'soċjetà karatterizzata mill-pluraliżmu, in-non-diskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.

Artikolu I-3

L-Għanijiet ta' l-Unjoni

1.   L-għan ewlieni ta' l-Unjoni hu li tippromwovi l-paċi, il-valuri tagħha u l-ġid tal-popli tagħha.

2.   L-Unjoni għandha toffri liċ-ċittadini tagħha żona ta' libertà, ta' sigurtà u ta' ġustizzja mingħajr fruntieri interni, u suq intern fejn il-kompetizzjoni hija libera u mhux imxekkla.

3.   L-Unjoni għandha taħdem għall-iżvilupp sostenibbli ta' l-Ewropa mibni fuq it-tkabbir ekonomiku bilanċjat, l-istabbiltà tal-prezzijiet, ekonomija soċjali tas-suq b'kompetittività għolja, u jimmiraw li kulħadd jaħdem għall-progress soċjali, b'livell għoli ta' protezzjoni u ta' titjib tal-kwalità ta' l-ambjent. Għandha tippromwovi l-iżvilupp xjentifiku u teknoloġiku wkoll.

Għandha tiġġieled kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni, u tippromwovi l-ġustizzja u l-protezzjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal.

Għandha tippromwovi l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri.

Għandha tirrispetta r-rikkezza tad-diversità kulturali u lingwistika u għandha tiżgura li l-patrimonju kulturali Ewropew jiġi mħares u żviluppat.

4.   Fir-relazzjonijiet tagħha mal-bqija tad-dinja, l-Unjoni għandha ssostni u tippromwovi l-valuri u l-interessi tagħha. Għandha tikkontribwixxi għall-paċi, s-sigurtà, l-iżvilupp sostenibbli tal-pjaneta, s-solidarjetà u r-rispett reċiproku bejn il-popli, il-kummerċ liberu u ġust, il-qerda tal-faqar u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem b'mod partikolari dawk tat-tfal, kif ukoll għall-osservanza stretta u għall-iżvilupp tad-dritt internazzjonali, partikolarment ir-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

5.   L-Unjoni għandha ssegwi l-għanijiet tagħha b'mezzi approprjati, fuq bażi tal-kompetenzi rilevanti li huma kkonferiti lilha fil-Kostituzzjoni.

Artikolu I-4:

Il-Libertajiet fundamentali u n-non-diskriminazzjoni

1.   Il-moviment liberu ta' persuni, ta' servizzi, ta' merkanzija u ta' kapitali, u l-libertà ta' stabbiliment għandhom ikunu garantiti mill-Unjoni u fi ħdanha, skond il-Kostituzzjoni.

2.   Fil-kamp ta' l-applikazzjoni tal-Kostituzzjoni, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi tagħha, kull diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' nazzjonalità għandha tkun projbita.

Artikolu I-5

Ir-Relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Istati Membri

1.   L-Unjoni għandha tirrispetta l-ugwaljanza ta' l-Istati Membri quddiem il-Kostituzzjoni kif ukoll l-identitajiet nazzjonali tagħhom, inerenti fl-istrutturi fundamentali politiċi u kostituzzjonali tagħhom, inklużi dawk tal-gvern awtonomu reġjonali u lokali. Għandha tirrispetta l-funzjonijiet Statali essenzjali tagħhom, inkluż dawk li jiżguraw l-integrità territorjali ta' l-Istat, il-manteniment ta' l-ordni pubbliku u l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali.

2.   Skond il-prinċipju ta' koperazzjoni leali, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, b'rispett reċiproku sħiħ, jgħinu lil xulxin fl-eżekuzzjoni tal-kompiti li huma tagħhom b'riżultat tal-Kostituzzjoni.

L-Istati Membri għandhom jieħdu kwalunkwe miżura xierqa, ġenerali jew partikolari, sabiex jiżguraw li l-obbligi li joħorġu mill-Kostituzzjoni jew li jirriżultaw mill-atti ta' l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni jiġu mwettqa.

L-Istati Membri għandhom jgħinu lill-Unjoni sabiex twettaq il-kompiti tagħha u joqogħdu lura minn kwalunkwe miżura li tista' tqiegħed fil-periklu lill-Unjoni milli tikseb l-għanijiet tagħha.

Artikolu I-6

Id-Dritt ta' l-Unjoni

Il-Kostituzzjoni u l-liġijiet adottati mill-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi konferiti lilha għandhom jipprevalu fuq id-dritt ta' l-Istati Membri.

Artikolu I-7

Personalità Ġuridika

L-Unjoni għandha personalità ġuridika.

Artikolu I-8

Is-Simboli ta' l-Unjoni

Il-bandiera ta' l-Unjoni għandha tkun ċirku ta' tnax-il stilla tad-deheb fuq sfond blu.

L-innu ta' l-Unjoni huwa bbażat fuq “Odi lil Hena” mid-Disa' Sinfonija ta' Ludwig van Beethoven.

Il-motto ta' l-Unjoni hu: “Maqgħuda fid-diversità”.

Il-munita ta' l-Unjoni hija l-euro.

Jum l-Ewropa jiġi ċċelebrat fid-9 ta' Mejju fl-Unjoni kollha.

TITOLU II

ID-DRITTIJIET FUNDAMENTALI U Ċ-ĊITTADINANZA TA' L-UNJONI

Artikolu I-9

Id-Drittijiet fundamentali

1.   L-Unjoni tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji dikjarati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li tikkostitwixxi l-Parti II.

2.   L-Unjoni taderixxi għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali. Din l-adeżjoni m'għandhiex timmodifika l-kompetenzi ta' l-Unjoni kif definiti fil-Kostituzzjoni.

3.   Id-drittijiet fundamentali, kif garantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, u kif żviluppaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, jagħmlu parti mid-dritt ta' l-Unjoni bħala prinċipji ġenerali.

Artikolu I-10

Ic-Ċittadinanza ta' l-Unjoni

1.   Kull ċittadin ta' Stat Membru għandu jkun ċittadin ta' l-Unjoni. Iċ-ċittadinanza ta' l-Unjoni għandha tkun addizzjonali għaċ-ċittadinanza nazzjonali u m'għandhiex tissostitwiha.

2.   Iċ-ċittadini ta' l-Unjoni għandhom igawdu d-drittijiet u jintrabtu bid-dmirijiet previsti fil-Kostituzzjoni. Għandhom:

a)

id-dritt ta' moviment liberu u d-dritt ta' residenza libera fit-territorju ta' l-Istati Membri;

b)

id-dritt tal-vot u d-dritt li joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru fejn huma jirrisjedu, taħt l-istess kondizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta' dak l-Istat;

ċ)

id-dritt li jgawdu, fit-territorju ta' pajjiż terz fejn l-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini ma jkunx rappreżentat, mill-protezzjoni ta' l-awtoritajiet diplomatiċi u konsulari ta' kull Stat Membru, taħt l-istess kondizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta' dak l-Istat;

d)

id-dritt ta' petizzjoni lill-Parlament Ewropew, id-dritt li jagħmlu rikors lill-Ombudsman Ewropew, u d-dritt li jindirizzaw lill-istituzzjonijiet u l-korpi konsultattivi ta' l-Unjoni fi kwalunkwe lingwa tal-Kostituzzjoni u d-dritt li jirċievu tweġiba bl-istess lingwa.

Dawn id-drittijiet għandhom ikunu eżerċitati skond il-kondizzjonijiet u l-limiti mfissra mill-Kostituzzjoni u permezz tal-miżuri adottati taħtha.

TITOLU III

IL-KOMPETENZI TA' L-UNJONI

Artikolu I-11

Il-Prinċipji fundamentali

1.   Il-limiti tal-kompetenzi ta' l-Unjoni huma regolati mill-prinċipju tal-konferiment. L-eżerċizzju tal-kompetenzi ta' l-Unjoni hu regolat mill-prinċipju ta' sussidjarjetà u ta' proporzjonalità.

2.   Skond il-prinċipju tal-konferiment, l-Unjoni għandha taġixxi fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lilha mill-Istati Membri fil-Kostituzzjoni biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fil-Kostituzzjoni. Il-kompetenzi li mhumiex konferiti mill-Kostituzzjoni lill-Unjoni jibqgħu għand l-Istati Membri.

3.   Skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà, f'dawk l-oqsma li ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tagħha, l-Unjoni għandha taġixxi biss, jekk, u sa fejn, l-għanijiet ta' l-azzjoni proposta ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, la fil-livell ċentrali u lanqas fil-livell reġjonali jew lokali, iżda jistgħu, minħabba fl-iskala jew l-effetti ta' l-azzjoni proposta, jinkisbu aħjar fil-livell ta' l-Unjoni.

L-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni għandhom japplikaw il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fil-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u ta' proporzjonalità. Il-Parlamenti nazzjonali għandhom jiżguraw il-ħarsien ta' dan il-prinċipju skond il-proċedura indikata f'dak il-Protokoll.

4.   Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, il-kontenut u l-forma ta' l-azzjoni ta' l-Unjoni m'għandhomx jeċċedu dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Kostituzzjoni.

L-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni għandhom japplikaw il-prinċipju ta' proporzjonalità kif stabbilit fil-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u ta' proporzjonalità.

Artikolu I-12

Kategoriji ta' kompetenza

1.   Meta l-Kostituzzjoni tikkonferixxi fuq l-Unjoni kompetenza esklużiva f'qasam speċifiku, l-Unjoni biss tista' tilleġisla u tadotta atti li jorbtu legalment, u l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħmlu dan huma biss jekk jingħataw is-setgħa mill-Unjoni, jew biex jimplimentaw l-atti ta' l-Unjoni.

2.   Meta l-Kostituzzjoni tikkonferixxi lill-Unjoni kompetenza li tinqasam ma' l-Istati Membri f'qasam speċifiku, l-Unjoni u l-Istati Membri jistgħu jilleġislaw u jadottaw atti li jorbtu legalment f'dak il-qasam. L-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom sa fejn l-Unjoni ma eżerċitatx, jew iddeċidiet li ma tkomplix teżerċita, l-kompetenza tagħha.

3.   L-Istati Membri għandhom jikkordinaw il-politika ekonomika u ta' l-impjieg tagħhom skond il-modalitajiet previsti fil-Parti III, li l-Unjoni għandha l-kompetenza li tipprovdi.

4.   L-Unjoni għandha l-kompetenza li tiddefinixxi u timplimenta politika estera u ta' sigurtà komuni, inkluża d-definizjoni progressiva ta' politika ta' difiża komuni.

5.   F'ċerti oqsma u skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Kostituzzjoni, l-Unjoni għandha l-kompetenza li tieħu azzjonijiet biex tagħti sostenn, tikkordina jew tissupplimenta l-azzjonijiet ta' l-Istati Membri, mingħajr b'daqshekk ma tissostitwihom fil-kompetenza tagħhom f'dawn l-oqsma.

Atti ta' l-Unjoni li jorbtu legalment adottati fuq bażi tad-disposizzjonijiet fil-Parti III li jirrelataw għal dawn l-oqsma ma jfissrux l-armonizzazzjoni tad-disposizzjonijiet leġislattivi ta' l-Istati Membri.

6.   Il-kamp ta' l-applikazzjoni tal-kompetenzi ta' l-Unjoni u l-modalitajiet ta' l-eżerċizzju tagħhom għandhom jiġu determinati mid-disposizzjonijiet li jirrigwardaw kull qasam fil-Parti III.

Artikolu I-13

L-Oqsma ta' kompetenza esklużiva

1.   L-Unjoni għandha kompetenza esklużiva fl-oqsma li ġejjin:

a)

l-unjoni doganali;

b)

l-istabbiliment tar-regoli tal-kompetizzjoni meħtieġa għall-funzjonament tas-suq intern;

ċ)

il-politika monetarja għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro;

d)

il-konservazzjoni ta' riżorsi bijoloġiċi tal-baħar skond il-politika komuni tas-sajd;

e)

il-politika kummerċjali komuni.

2.   L-Unjoni għandha wkoll kompetenza esklużiva li tikkonkludi ftehim internazzjonali meta l-konklużjoni tiegħu tkun stipulata f'att leġislattiv ta' l-Unjoni, jew tkun meħtieġa sabiex l-Unjoni tkun tista' teżerċita l-kompetenza interna tagħha, jew safejn il-konklużjoni tiegħu tista' tolqot xi regoli komuni jew tbiddel il-kamp ta' l-applikazzjoni tagħhom.

Artikolu I-14

Oqsma ta' kompetenza kondiviża

1.   L-Unjoni għandha kompetenza kondiviża ma' l-Istati Membri fejn il-Kostituzzjoni tikkonferixxi lilha kompetenza li ma tirrigwardax l-oqsma previsti fl-Artikoli I-13 u I-17.

2.   Kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tapplika fl-oqsma prinċipali li ġejjin:

a)

is-suq intern;

b)

il-politika soċjali, għall-aspetti definiti fil-Parti III;

ċ)

il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;

d)

l-agrikoltura u s-sajd, eskluża l-konservazzjoni ta' riżorsi bijoloġiċi tal-baħar;

e)

l-ambjent;

f)

il-protezzjoni tal-konsumatur;

g)

it-trasport;

h)

ir-rettikolati trans-Ewropej;

i)

l-enerġija;

j)

l-oqsma ta' libertà, ta' sigurtà u ta' ġustizzja;

k)

l-interessi komuni ta' sigurtà f'materji ta' saħħa pubblika, għall-aspetti definiti fil-Parti III.

3.   Fl-oqsma tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-ispazju, l-Unjoni għandha l-kompetenza biex twettaq attivitajiet, b'mod partikolari li tiddefinixxi u timplimenta programmi; iżda, l-eżerċizzju ta' dik il-kompetenza m'għandux iwassal biex iżomm lill-Istati Membri mill-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom.

4.   Fl-oqsma tal-koperazzjoni għall-iżvilupp u għajnuna umanitarja, l-Unjoni għandha l-kompetenza biex twettaq attivitajiet u tikkonduċi politika komuni; iżda, l-eżerċizzju ta' dik il-kompetenza m'għandux iwassal biex iżomm lill-Istati Membri mill-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom.

Artikolu I-15

Kordinazzjoni tal-politika ekonomika u ta' l-impjieg

1.   L-Istati Membri għandhom jikkordinaw il-politika ekonomika tagħhom fi ħdan l-Unjoni. Għal dan il-għan, il-Kunsill tal-Ministri għandu jadotta miżuri, b'mod partikolari linji gwida wiesa' għal din il-politika.

Dispożizzjonijiet speċifiċi għandhom japplikaw għal dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

2.   L-Unjoni għandha tieħu miżuri sabiex tiżgura l-kordinazzjoni tal-politika ta' l-impjieg ta' l-Istati Membri, partikolarment billi tiddefinixxi linji gwida għal din il-politika.

3.   L-Unjoni tista' tieħu inizjattivi biex tiżgura l-kordinazzjoni tal-politika soċjali ta' l-Istati Membri.

Artikolu I-16

Il-Politika esterna u ta' sigurtà komuni

1.   Il-kompetenza ta' l-Unjoni f'materji ta' politika esterna u ta' sigurtà komuni għandha tkopri l-oqsma kollha tal-politika esterna u l-kwistjonijiet kollha li għandhom x'jaqsmu mas-sigurtà ta' l-Unjoni, inkluża d-definizjoni progressiva ta' politika ta' difiża komuni, li tista' twassal għal difiża komuni.

2.   L-Istati Membri għandhom attivament u mingħajr riżervi jagħtu sostenn lill-politika esterna u ta' sigurtà komuni ta' l-Unjoni, fi spirtu ta' lealtà u solidarjetà reċiproka u għandhom jirrispettaw l-azzjoni ta' l-Unjoni f'dan il-qasam. Għandhom jastjenu minn azzjonijiet li jmorru kontra l-interessi ta' l-Unjoni jew li x'aktarx ifixklu l-effikaċja tagħha.

Artikolu I-17

Oqsma ta' azzjoni ta' sostenn, ta' kordinazzjoni jew kumplimentari

L-Unjoni għandha kompetenza li tieħu azzjoni ta' sostenn jew ta' kordinazzjoni jew azzjoni kumplimentari. Fil-livell Ewropew, l-oqsma għal din l-azzjoni għandhom ikunu:

a)

il-protezzjoni u t-titjib tas-saħħa tal-bniedem;

b)

l-industrija;

ċ)

il-kultura;

d)

it-turiżmu;

e)

l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ, l-isport, u l-formazzjoni professjonali;

f)

il-protezzjoni ċivili;

g)

il-koperazzjoni amministrattiva;

Artikolu I-18

Klawżola ta' flessibilità

1.   Jekk jirriżulta neċessarju li l-Unjoni tieħu azzjoni, fil-qafas tal-politika definita fil-Parti III sabiex jintlaħaq wieħed mill-għanijiet stabbiliti fil-Kostituzzjoni, u l-Kostituzzjoni ma tkunx ipprovdiet is-setgħat meħtieġa, il-Kunsill tal-Ministri, li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni Ewropea u wara li jikseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, għandu jadotta l-miżuri xierqa.

2.   Billi tuża l-proċedura għall-kontroll tal-prinċipju ta' sussidjarjetà previst fl-Artikolu I-11(3), il-Kummissjoni Ewropea għandha tiġbed l-attenzjoni tal-Parlamenti nazzjonali għall-proposti bbażati fuq dan l-Artikolu.

3.   Il-miżuri bbażati fuq dan l-Artikolu m'għandhomx jinvolvu l-armonizzazzjoni ta' liġijiet u ta' regolamenti ta' l-Istati Membri f'każijiet fejn il-Kostituzzjoni teskludi din l-armonizzazzjoni.

TITOLU IV

L-ISTITUZZJONIJIET U L-KORPI TA' L-UNJONI

KAPITOLU I

IL-QAFAS ISTITUZZJONALI

Artikolu I-19

L-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni

1.   L-Unjoni għandha qafas istituzzjonali mmirat biex:

jippromwovi l-valuri tagħha,

javvanza l-għanijiet tagħha,

jaqdi l-interessi tagħha, dawk taċ-ċittadini tagħha u dawk ta' l-Istati Membri,

jiżgura l-konsistenza, l-effikaċja u l-kontinwità tal-politika u l-azzjonijiet tagħha.

Dan il-qafas istituzzjonali huwa magħmul minn:

il-Parlament Ewropew,

il-Kunsill Ewropew,

il-Kunsill tal-Ministri, (minn issa 'l quddiem imsejjaħ il-“Kunsill”),

il-Kummissjoni Ewropea (minn issa 'l quddiem imsejħa l-“Kummissjoni”),

il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea.

2.   Kull Istituzzjoni għandha taġixxi fil-limiti tas-setgħat konferiti lilha mill-Kostituzzjoni, u skond il-proċeduri u l-kondizzjonijiet stabbiliti fiha. L-istituzzjonijiet għandhom jipprattikaw koperazzjoni leali.

Artikolu 1-20

Il-Parlament Ewropew

1.   Il-Parlament Ewropew għandu, flimkien mal-Kunsill, jeżerċita funzjonijiet leġislattivi u ta' budget. Għandu jeżerċita funzjonijiet ta' kontroll politiku u ta' konsultazzjoni skond il-kondizzjonijiet previsti fil-Kostituzzjoni. Għandu jeleġġi l-President tal-Kummissjoni.

2.   Il-Parlament Ewropew għandu jkun magħmul mir-rappreżentanti taċ-ċittadini ta' l-Unjoni. In-numru tagħhom ma jistax jaqbeż is-seba' mija u ħamsin fin-numru. Ir-rappreżentanza taċ-ċittadini hi garantita b'mod proporzjonali digressiv, b'limitu minimu ta' sitt membri għal kull Stat Membru. L-ebda Stat Membru m'għandu jingħata iktar minn sitta u disgħin siġġu.

Il-Kunsill Ewropew għandu jadotta b'mod unanimu, fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew u bil-kunsens tiegħu, deċiżjoni Ewropea li tistabbilixxi l-komposizzjoni tal-Parlament Ewropew, li tirrispetta l-prinċipji previsti fl-ewwel subparagrafu.

3.   Il-membri tal-Parlament Ewropew għandhom jiġu eletti b'mandat ta' ħames snin b'vot dirett universali liberu u sigriet.

4.   Il-Parlament Ewropew għandu jeleġġi l-President u l-uffiċjali tiegħu minn fost il-membri tiegħu.

Artikolu I-21

Il-Kunsill Ewropew

1.   Il-Kunsill Ewropew għandu jipprovdi l-Unjoni bl-impetu meħtieġ għall-iżvilupp tagħha u għandu jiddefinixxi d-direzzjonijiet u l-prijoritajiet politiċi ġenerali tagħha. Huwa ma jeżerċitax funzjonijiet leġislattivi.

2.   Il-Kunsill Ewropew għandu jikkonsisti mill-Kapijiet ta' l-Istat jew tal-Gvern ta' l-Istati Membri, flimkien mal-President tiegħu u mal-President tal-Kummissjoni. Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni għandu jieħu sehem fil-ħidma tiegħu.

3.   Il-Kunsill Ewropew għandu jiltaqa' kull tliet xhur, fuq sejħa mill-President tiegħu. Meta l-aġenda titlob hekk, il-membri tal-Kunsill Ewropew jistgħu jiddeċiedu kull wieħed li jkunu assistiti minn ministru u, fil-każ tal-President tal-Kummissjoni, minn membru tal-Kummissjoni. Meta s-sitwazzjoni tirrikjedi hekk, il-President għandu jsejjaħ laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew.

4.   Ħlief fejn il-Kostituzzjoni tipprovdi mod ieħor, id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Ewropew għandhom jittieħdu b'Konsensus.

Artikolu I-22

Il-President tal-Kunsill Ewropew

1.   Il-Kunsill Ewropew għandu jeleġgi l-President tiegħu, b'maġġoranza kwalifikata, għal perjodu ta' sentejn u nofs, li jista' jiġi mġedded darba. F'każijiet ta' impediment jew mġieba ħażina gravi, l-Kunsill Ewropew jista' jittermina l-mandat tiegħu jew tagħha skond l-istess proċedura.

2.   Il-President tal-Kunsill Ewropew:

a)

jippresjedi u jmexxi 'l quddiem ix-xogħol tal-Kunsill;

b)

jiżgura l-preparazzjoni u l-kontinwità tax-xogħol tal-Kunsill Ewropew b'koperazzjoni mal-President tal-Kummissjoni, u fuq il-bażi tax-xogħol tal-Kunsill ta' l-Affarijiet Ġenerali;

ċ)

jipprova jiffaċilita l-koeżjoni u l-consensus fi ħdan il-Kunsill Ewropew;

d)

jippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew wara kull waħda mil-laqgħat tal-Kunsill Ewropew.

Il-President tal-Kunsill Ewropew għandu, fil-livell tiegħu u fil-kapaċità tiegħu, jiżgura r-rappreżentanza esterna ta' l-Unjoni fi kwistjonijiet li jikkonċernaw il-politika estera u ta' sigurtà komuni tagħha, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni.

3.   Il-President tal-Kunsill Ewropew ma jistax jeżerċita kariga nazzjonali.

Artikolu I-23

Il-Kunsill tal-Ministri

1.   Il-Kunsill, flimkien mal-Parlament Ewropew, jeżerċita funzjonijiet leġislattivi u ta' budget. Jeżerċita funzjonijiet ta' tfassil ta' politika u ta' kordinazzjoni skond il-kondizzjonijiet previsti fil-Kostituzzjoni.

2.   Il-Kunsill jikkonsisti minn rappreżentant ta' kull Stat Membru fuq livell ministerjali, li jista' jorbot lill-gvern ta' l-Istat Membru in kwistjoni u jeżerċita d-dritt tal-vot.

3.   Ħlief fejn il-Kostituzzjoni tipprovdi mod ieħor, id-deċiżjonijiet tal-Kunsill għandhom jittieħdu b'maġġoranza kwalifikata.

Artikolu I-24

Il-formazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ministri

1.   Il-Kunsill jiltaqa' f'formazzjonijiet differenti.

2.   Il-Kunsill ta' l-Affarijiet Ġenerali għandu jiżgura l-konsistenza fil-ħidma tal-formazzjonijiet differenti tal-Kunsill.

Għandu jipprepara u jiżgura s-segwitu għal-laqgħat tal-Kunsill Ewropew, flimkien mal-President tal-Kunsill Ewropew u l-Kummissjoni.

3.   Il-Kunsill ta' l-Affarijiet Barranin għandu jelabora l-azzjoni esterna ta' l-Unjoni fuq bażi ta' linji gwida strateġiċi stabbiliti mill-Kunsill Ewropew, u jiżgura li l-azzjoni ta' l-Unjoni hi konsistenti.

4.   Il-Kunsill Ewropew għandu jadotta b'maġġoranza kwalifikata deċiżjoni Ewropea li tistabbilixxi l-lista tal-formazzjonijiet oħra tal-Kunsill.

5.   Kumitat ta' Rappreżentanti Permanenti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri għandu jkun responsabbli biex iħejji l-ħidma tal-Kunsill.

6.   Il-Kunsill għandu jiltaqa' fil-pubbliku meta jiddelibera u jivvota fuq abbozz ta' att leġislattiv. Għal dan l-għan, kull laqgħa tal-Kunsill għandha tkun maqsuma f'żewġ partijiet, li jittrattaw rispettivament id-deliberazzjonijiet dwar l-atti legislattivi ta' l-Unjoni u l-attivitajiet mhux leġislattivi ta' l-Unjoni.

7.   Il-Presidenza tal-formazzjonijiet tal-Kunsill, minbarra dik ta' l-Affarijiet Barranin, għandha tkun eżerċitata minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri fi ħdan il-Kunsill skond sistema ta' rotazzjoni ugwali, u skond il-kondizzjonijiet stabbiliti minn deċiżjoni Ewropea tal-Kunsill Ewropew. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata.

Artikolu I-25

Definizjoni ta' maġġoranza kwalifikata fi ħdan il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill

1.   Maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita bħala li hija ugwali għal mill-inqas 55 % tal-membri tal-Kunsill, li jinkludu mill-inqas ħmistax minnhom u li jirrappreżentaw Stati Membri li flimkien jinkludu mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni ta' l-Unjoni.

Minoranza li timblokka għandha tinkludi mill-inqas erba' membri tal-Kunsill, u fin-nuqqas ta' dan, il-maġġoranza kwalifikata tkun meqjusa li nkisbet.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1, meta l-Kunsill ma jkunx qed jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni, jew tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni, l-maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita bħala li hija ugwali għal mill-inqas 72 % tal-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw lill-Istati Membri, li flimkien jinkludu mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni ta' l-Unjoni.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw għall-Kunsill Ewropew meta jkun qed jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata.

4.   Fil-Kunsill Ewropew, il-President tiegħu u l-President tal-Kummissjoni m'għandhomx jieħdu sehem fil-vot.

Artikolu I-26

Il-Kummissjoni Ewropea

1.   Il-Kummissjoni Ewropea għandha tippromwovi l-interess ġenerali ta' l-Unjoni u tieħu l-inizjattivi xierqa għal dan il-għan. Għandha tiżgura l-applikazzjoni tal-Kostituzzjoni, u l-miżuri adottati mill-istituzzjonijiet taħt il-Kostituzzjoni. Għandha tissorvelja l-applikazzjoni tad-dritt ta' l-Unjoni taħt il-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea. Għandha teżegwixxi l-budget u tamministra l-programmi. Għandha teżerċita funzjonijiet ta' kordinazzjoni, eżekuzzjoni u amministrazzjoni, skond il-kondizzjonijiet previsti fil-Kostituzzjoni. Bl-eċċezzjoni tal-politika estera u ta' sigurtà komuni, u ta' każijiet oħra previsti mill-Kostituzzjoni, għandha tiżgura r-rappreżentanza esterna ta' l-Unjoni. Għandha tieħu l-inizjattiva għall-programmazzjoni annwali u pluriennali ta' l-Unjoni biex jintlaħqu ftehim interistituzzjonali.

2.   L-atti leġislattivi ta' l-Unjoni ma jistgħux jiġu adottati ħlief fuq bażi ta' proposta mill-Kummissjoni, minbarra fejn il-Kostituzzjoni tiddisponi mod ieħor. L-atti l-oħra għandhom jiġu adottati fuq bażi ta' proposta mill-Kummissjoni meta l-Kostituzzjoni tipprevedi hekk.

3.   Il-mandat tal-Kummissjoni għandu jkun ta' ħames snin.

4.   Il-membri tal-Kummissjoni għandhom jintgħażlu fuq bażi tal-kompetenza ġenerali tagħhom u ta' l-impenn Ewropew tagħhom, minn fost il-persunalitajiet li dwar l-indipendenza tagħhom ma hemm l-ebda dubju.

5.   L-ewwel Kummissjoni maħtura skond id-disposizzjonijiet tal-Kostituzzjoni għandha tkun komposta minn ċittadin wieħed minn kull Stat Membru, inklużi l-President tagħha u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni li għandu jkun wieħed mill-Viċi-Presidenti tagħha.

6.   Mat-tmiem tal-mandat tal-Kummissjoni prevista fil-paragrafu 5, il-Kummissjoni għandha tkun komposta minn għadd ta' membri, inklużi l-President tagħha u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni, li jikkorrispondi għal żewġ terzi ta' l-għadd ta' Stati Membri, sakemm il-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b'mod unanimu, ma jiddeċidix li jbiddel dan l-għadd.

Il-membri tal-Kummissjoni għandhom jiġu magħżula minn fost iċ-ċittadini ta' l-Istati Membri fuq bażi ta' sistema ta' rotazzjoni ugwali bejn l-Istati Membri. Din is-sistema għandha tiġi stabbilita b'deċiżjoni Ewropea adottata b'mod unanimu mill-Kunsill Ewropew u fuq bażi tal-prinċipji li ġejjin:

a)

L-Istati Membri għandhom jiġu trattati b'ugwaljanza stretta fir-rigward tad-determinazzjoni tas-sekwenza, u taż-żmien fil-kariga, taċ-ċittadini tagħhom bħala membri tal-Kummissjoni; b'konsegwenza, d-differenza bejn l-għadd totali ta' perijodi ta' mandati ta' ċittadini ta' kwalunkwe żewġ Stati Membri partikolari qatt ma tista' tkun ta' aktar minn wieħed;

b)

bla ħsara għall-punt (a), kull Kummissjoni suċċessiva għandha tkun komposta b'tali mod li tirrifletti b'mod sodisfaċenti l-firxa demografika u ġeografika ta' l-Istati Membri kollha.

7.   Fit-twettiq tar-responsabbiltajiet tagħha, l-Kummissjoni għandha tkun kompletament indipendenti. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu I-28(2), il-membri tal-Kummissjoni la għandhom ifittxu u lanqas għandhom jieħdu istruzzjonijiet minn xi gvern jew minn xi istituzzjoni, korp jew entità oħra. Għandhom iżommu lura minn kull azzjoni li ma tkunx kompatibbli mal-funzjonijiet tagħhom jew ma' l-eżekuzzjoni tal-kompiti tagħhom.

8.   Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli kolleġġjalment lejn il-Parlament Ewropew. Bi qbil ma' l-Artikolu III-340, il-Parlament Ewropew jista' jivvota fuq mozzjoni ta' ċensura tal-Kummissjoni. Jekk tali mozzjoni tkun adottata, l-membri tal-Kummissjoni għandhom jirriżenjaw kollettivament u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni għandu jirriżenja mill-funzjonijiet li jeżerċita fil-Kummissjoni.

Artikolu I-27

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea

1.   Waqt li jitqiesu l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, u wara konsultazzjonijiet xierqa, l-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b'maġgoranza kwalifikata, jipproponi lill-Parlament Ewropew kandidat għall-President tal-Kummissjoni. Dan il-kandidat għandu jkun elett mill-Parlament Ewropew b'maġgoranza tal-membri tiegħu. Jekk dan ma jiksibx il-maġġoranza meħtieġa, l-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, għandu fi żmien xahar jipproponi kandidat ġdid li għandu jiġi elett mill-Parlament Ewropew skond l-istess proċedura.

2.   Il-Kunsill, bi ftehim komuni mal-President elett, għandu jadotta l-lista tal-persuni l-oħra li l-Kunsill jipproponi li jaħtar bħala membri tal-Kummissjoni. Huma għandhom jiġu magħżula, fuq bażi tas-suġġerimenti magħmula mill-Istati Membri, skond il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu I-26(4) u (6) it-tieni subparagrafu.

Il-President, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni u l-membri l-oħra tal-Kummissjoni għandhom ikunu kolleġġjalment suġġetti għal vot ta' approvazzjoni mill-Parlament Ewropew. Fuq bażi ta' din l-approvazzjoni l-Kummissjoni għandha tinħatar mill-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata.

3.   Il-President tal-Kummissjoni għandu:

a)

jistabbilixxi l-linji gwida li fuqhom għandha taħdem il-Kummissjoni;

b)

jiddeċiedi dwar l-organizzazzjoni interna tal-Kummissjoni, sabiex jiżgura li taġixxi b'mod koerenti, effikaċji u b'mod kolleġġjali;

ċ)

jaħtar Viċi-Presidenti, barra l-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni, minn fost il-membri tal-Kummissjoni.

Membru tal-Kummissjoni għandu jirriżenja jekk jiġi mitlub jagħmel hekk mill-President. Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni għandu jirriżenja, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu I-28 (1), jekk il-President jitlob hekk.

Artikolu I-28

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni

1.   Il-Kunsill Ewropew, b'maġġoranza kwalifikata, bi ftehim mal-President tal-Kummissjoni, għandu jaħtar il-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni. Il-Kunsill Ewropew jista' jtemm l-mandat tiegħu bl-istess proċedura.

2.   Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni għandu jmexxi l-politika estera u ta' sigurtà komuni ta' l-Unjoni. Hu għandu jikkontribwixxi bi proposti tiegħu għall-iżvilupp ta' dik il-politika, li hu għandu jwettaq skond il-mandat tal-Kunsill. L-istess għandu japplika għall-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni.

3.   Il-Ministru għall Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni għandu jippresjedi fuq il-Kunsill għall-Affarijiet Barranin.

4.   Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni għandu jkun wieħed mill-Viċi-Presidenti tal-Kummissjoni. Hu għandu jiżgura l-koerenza ta' l-azzjoni esterna ta' l-Unjoni. Għandu jkun responsabbli fi ħdan il-Kummissjoni għar-responsabbiltajiet tagħha fir-relazzjonijiet esterni u għall-kordinazzjoni ta' aspetti oħra ta' l-azzjoni esterna ta' l-Unjoni. Fl-eżerċizzju ta' dawn ir-responsabbiltajiet fi ħdan il-Kummissjoni, u għal dawn ir-responsabbiltajiet biss, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni għandu jkun marbut bil-proċeduri tal-Kummissjoni sakemm dan ikun konsistenti mal-paragrafi 2 u 3.

Artikolu I-29

Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea

1.   Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea għandha tinkludi l-Qorti tal-Ġustizzja, l-Qorti Ġenerali u l-qrati speċjalizzati. Għandha tiżgura li d-dritt ikun osservat fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Kostituzzjoni.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu rimedji li huma suffiċjenti sabiex jiżguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ta' l-Unjoni.

2.   Il-Qorti tal-Ġustizzja tkun komposta minn imħallef wieħed minn kull Stat Membru. Għandha tkun assistita minn avukati-ġenerali.

Il-Qorti Ġenerali għandha tinkludi mill-inqas imħallef wieħed minn kull Stat Membru.

L-imħallfin u l-avukati ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-imħallfin tal-Qorti Ġenerali għandhom jintgħażlu minn fost persuni li dwar l-indipendenza tagħhom ma hemm l-ebda dubju u li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli III-355 sa III-356. Għandhom jinħatru bi ftehim komuni tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri għal sitt snin. L-imħallfin u l-avukati Ġenerali li l-mandat tagħhom ikun spiċċa jistgħu jinħatru mill-ġdid.

3.   Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea għandha skond id-disposizzjonijiet tal-Parti III:

a)

tiddeċiedi dwar rikorsi miġjuba minn Stat Membru, istituzzjoni jew persuna fiżika jew ġuridika;

b)

tagħti deċiżjonijiet preliminari, fuq talba tal-qrati ta' l-Istati Membri, fuq l-interpretazzjoni tad-dritt ta' l-Unjoni jew fuq il-validità ta' atti adottati mill-istituzzjonijiet;

ċ)

tiddeċiedi f'każijiet oħra kif previst mill-Kostituzzjoni.

KAPITOLU II

L-ISTITUZZJONIJIET L-OĦRA U L-KORPI KONSULTATTIVI TA' L-UNJONI

Artikolu I-30

Il-Bank Ċentrali Ewropew

1.   Il-Bank Ċentrali Ewropew, flimkien mal-banek ċentrali nazzjonali, jikkostitwixxu s-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali. Il-Bank Ċentrali Ewropew, flimkien mal-banek ċentrali nazzjonali, ta' dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, u li jikkostitwixxu l-Ewrosistema għandhom imexxu l-politika monetarja ta' l-Unjoni.

2.   Is-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali għandha tkun iggvernata mill-korpi deċiżjonali tal-Bank Ċentrali Ewropew. L-għan prinċipali tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali għandu jkun li tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet. Mingħajr preġudizzju għal dan il-għan, għandha tagħti s-sostenn tagħha lill-politika ġenerali ekonomika fl-Unjoni biex tikkontribwixxi għat-twettiq ta' l-għanijiet ta' l-Unjoni. Għandha tmexxi kompiti oħrajn tal-Bank Ċentrali skond il-Parti III u għall-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew.

3.   Il-Bank Ċentrali Ewropew huwa istituzzjoni. Għandu personalità ġuridika. Hu biss jista' jawtorizza l-ħruġ tal-euro. Għandu jkun indipendenti fl-eżerċizzju tal-poteri tiegħu u fl-amministrazzjoni tal-finanzi tiegħu. L-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji ta' l-Unjoni u l-gvernijiet ta' l-Istati Membri għandhom jirrispettaw dik l-indipendenza.

4.   Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jadotta l-miżuri li huma meħtieġa sabiex jeżegwixxi l-kompiti tiegħu skond l-Artikoli III-185 sa III-191 u l-Artikolu III-196, u skond il-kondizzjonijiet previsti fl-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew. Skond dawn l-istess Artikoli, dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom ma tkunx l-euro, u l-banek ċentrali tagħhom, għandhom iżommu l-kompetenza tagħhom fil-kamp monetarju.

5.   Fl-oqsma tas-setgħat tiegħu, l-Bank Ċentrali Ewropew għandu jiġi konsultat fuq kull proġettazzjoni ta' l-Unjoni, kif ukoll fuq kull proġett ta' regolamentazzjoni fuq livell nazzjonali, u jista' jagħti l-opinjoni tiegħu.

6.   Il-korpi deċiżjonali tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-komposizzjoni tagħhom u l-metodi tal- ħidma tagħhom huma stabbiliti fl-Artikoli III-382 u III-383, kif ukoll fl-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew.

Artikolu I-31

Il-Qorti ta' l-Awdituri

1.   Il-Qorti ta' l-Awdituri hija istituzzjoni. Għandha tiżgura l-verifika ta' kontijiet ta' l-Unjoni.

2.   Għandha teżamina l-kontijiet tad-dħul u l-ħruġ kollu ta' l-Unjoni, u għandha ukoll tiżgura amministrazzjoni finanzjarja tajba.

3.   Għandha tkun komposta minn ċittadin wieħed ta' kull Stat Membru. Fil-qadi ta' dmirijiethom, il-membri tagħha għandhom ikunu kompletament indipendenti, fl-interess ġenerali ta' l-Unjoni.

Artikolu I-32

Il-Korpi konsultattivi ta' l-Unjoni

1.   Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom ikunu assistiti minn Kumitat tar-Reġjuni u minn Kumitat Ekonomiku u Soċjali, li jeżerċitaw funzjonijiet konsultattivi.

2.   Il-Kumitat tar-Reġjuni għandu jkun kompost minn rappreżentanti tal-korpi reġjonali u lokali, li jew ikollhom mandat elettorali ta' awtorità reġjonali jew lokali jew ikunu politikament responsabbli lejn assemblea eletta.

3.   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali għandu jkun kompost minn rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet ta' min iħaddem, ta' impjegati, u ta' partijiet oħra li jirappreżentaw is-soċjetà ċivili, speċjalment fl-oqsma soċjo-ekonomiċi, ċiviċi, professjonali u kulturali.

4.   Il-membri tal-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali m'għandhom ikunu marbuta minn ebda istruzzjonijiet obbligatorji. Għandhom ikunu kompletament indipendenti fil-qadi ta' dmirijiethom, fl-interess ġenerali ta' l-Unjoni.

5.   Ir-regoli dwar il-komposizzjoni ta' dawn il-Kumitati, l-għażla tal-membri tagħhom, is-setgħat u l-funzjonijiet tagħhom huma stabbiliti fl-Artikoli III-386 sa III-392.

Ir-regoli previsti fil-paragrafi 2 u 3 dwar in-natura tal-komposizzjoni tagħhom għandhom jiġu riveduti f'intervalli regolari mill-Kunsill sabiex jieħdu in kunsiderazzjoni l-iżviluppi ekonomiċi, soċjali u demografiċi fi ħdan l-Unjoni. Il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta deċiżjonijiet Ewropej għal dan l-effett.

TITOLU V

EŻERĊIZZJU TAL-KOMPETENZI TA' L-UNJONI

KAPITOLU I

DISPOSIZZJONIJIET KOMUNI

Artikolu I-33

Atti ġuridiċi ta' l-Unjoni

1.   Biex jeżerċitaw il-kompetenzi ta' l-Unjoni l-istituzzjonijiet għandhom jużaw bħala strumenti legali, skond il-Parti III, il-liġi Ewropea, l-liġi kwadru Ewropea, r-regolament Ewropew, id-deċiżjoni Ewropea, r-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet.

Liġi Ewropea hija att leġislattiv ta' applikazzjoni ġenerali. Għandha torbot fl-intier tagħha u hija direttament applikabbli f'kull Stat Membru.

Liġi kwadru Ewropea hija att leġislattiv li jorbot lil kull Stat Membru destinatarju, fir-rigward tar-riżultat mistenni, iżda tħalli l-għażla tal-forma u l-metodi lill-awtoritajiet nazzjonali.

Regolament Ewropew huwa att mhux leġislattiv ta' applikazzjoni ġenerali għall-implimentazzjoni ta' atti leġislattivi u ta' ċerti disposizzjonijiet tal-Kostituzzjoni. Jista' jkun jew jorbot fl-intier tiegħu u direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha, jew jorbot, lil kull Stat Membru destinatarju, kwantu għar-riżultat mistenni, iżda jħalli l-għażla tal-forma u l-metodi lill-awtoritajiet nazzjonali.

Deċiżjoni Ewropea hija att mhux leġislattiv, li jorbot fl-intier tiegħu. Deċiżjoni li tispeċifika lil min hija indirizzata għandha torbot lil dawk biss.

Ir-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet m'għandhomx l-effett li jorbtu.

2.   Meta jiġu kkunsidrati abbozzi ta' atti leġislattivi, l-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jastjenu milli jadottaw atti li mhumiex previsti mill-proċedura leġislattiva għall-qasam in kwistjoni.

Artikolu I-34

Atti leġislattivi

1.   Liġijiet u liġijiet kwadru Ewropej għandhom jiġu adottati, fuq bażi ta' proposti mill-Kummissjoni, flimkien mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill skond il-proċedura legislattiva ordinarja stabbilita fl-Artikolu III-396. Jekk dawn iż-żewġ istituzzjonijiet ma jistgħux jilħqu qbil dwar att, dan m'għandux jiġi adottat.

2.   Fil-każijiet speċifiċi previsti mill-Kostituzzjoni, liġijiet u liġijiet kwadru Ewropej għandhom jiġu adottati mill-Parlament Ewropew bil-parteċipazzjoni tal-Kunsill, jew minn dan ta' l-aħħar bil-parteċipazzjoni tal-Parlament Ewropew, skond il-proċeduri leġislattivi speċjali.

3.   Fil-każijiet speċifiċi previsti mill-Kostituzzjoni, liġijiet Ewropej u liġijiet kwadru Ewropej jistgħu jiġu adottati fuq l-inizjattiva ta' grupp ta' Stati Membri jew tal-Parlament Ewropew, fuq rakkomandazzjoni mill-Bank Ċentrali Ewropew jew fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment.

Artikolu I-35

Atti mhux leġislattivi

1.   Il-Kunsill Ewropew għandu jadotta deċiżjonijiet Ewropej fil-każijiet previsti fil-Kostituzzjoni.

2.   Il-Kunsill u l-Kummissjoni, b'mod partikolari fil-każijiet previsti fl-Artikoli I-36 u I-37, u l-Bank Ċentrali Ewropew fil-każijiet speċifiċi previsti fil-Kostituzzjoni, għandhom jadottaw regolamenti Ewropej u deċiżjonijiet Ewropej.

3.   Il-Kunsill għandu jadotta rakkomandazzjonijiet. Għandu jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni fil-każjijiet kollha fejn il-Kostituzzjoni tipprovdi li għandu jadotta atti fuq proposta tal-Kummissjoni. Għandu jaġixxi b'mod unanimu f'dawk l-oqsma fejn hi meħtieġa l-unanimità biex jiġi adottat att ta' l-Unjoni. Il-Kummissjoni, u fil-każijiet speċifiċi previsti fil-Kostituzzjoni, l-Bank Ċentrali Ewropew, jadottaw rakkomandazzjonijiet.

Artikolu I-36

Regolamenti Ewropej delegati

1.   Liġijiet u liġijiet kwadru Ewropej jistgħu jiddelegaw lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta regolamenti Ewropej delegati sabiex iżidu ma' jew jemendaw ċerti elementi mhux essenzjali tal-liġi jew tal-liġi kwadru.

L-għanijiet, il-kontenut, l-kamp ta' l-applikazzjoni tad-delega ta' poter u kemm iddum għandhom jiġu definiti b'mod espliċitu fil-liġijiet u l-liġijiet kwadru Ewropej. L-elementi essenzjali ta' xi qasam għandhom ikunu riservati għal-liġi jew liġi kwadru Ewropea u għaldaqstant ma jistgħux ikunu s-suġġett ta' delega ta' poter.

2.   Liġijiet u liġijiet kwadru Ewropej għandhom jistabbilixxu b'mod espliċitu l-kondizzjonijiet li għalihom hija soġġetta d-delega; dawn il-kondizzjonijiet jistgħu jkunu kif ġej:

a)

il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jista' jiddeċiedi li jħassar id-delega;

b)

ir-regolament Ewropew delegat jista' jidħol fis-seħħ biss jekk ma jkunx hemm oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fiż-żmien stabbilit mil-liġi jew mil-liġi kwadru Ewropea.

Għall-finijiet ta' a) u b), il-Parlament Ewropew għandu jaġixxi b'maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu, u l-Kunsill b'maġġoranza kwalifikata.

Artikolu I-37

Atti ta' implimentazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha tal-liġi nazzjonali meħtieġa sabiex jimplimentaw atti ta' l-Unjoni li jorbtu legalment.

2.   Meta jkun hemm bżonn ta' kondizzjonijiet uniformi biex jiġu implimentati atti ta' l-Unjoni li jorbtu legalment, dawk l-atti jistgħu jikkonferixxu s-setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummmissjoni jew, fil-każijiet speċifiċi ġustifikati b'mod xieraq u fil-każijiet previsti fl-Artikolu I-40, lill-Kunsill.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 2, liġi Ewropea għandha tistabbilixxi bil-quddiem ir-regoli u l-prinċipji ġenerali rigward il-mekkaniżmi ta' kontroll mill-Istati Membri fuq l-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni.

4.   L-atti ta' implimentazzjoni ta' l-Unjoni għandhom jieħdu l-forma ta' regolamenti Ewropej ta' implimentazzjoni jew deċiżjonijiet Ewropej ta' implimentazzjoni.

Artikolu I-38

Prinċipji komuni għall-atti ġuridiċi ta' l-Unjoni.

1.   Sakemm il-Kostituzzjoni ma tispeċifikax it-tip ta' att li għandu jiġi adottat, l-istituzzjonijiet għandhom jiddeċiedu skond il-każ, skond il-proċeduri applikabbli, u skond il-prinċipju ta' proporzjonalità previst fl-Artikolu I-11.

2.   L-atti ġuridici għandhom jagħtu r-raġunijiet li fuqhom ikunu bbażati u għandhom jagħmlu referenza għal kwalunkwe proposta, inizjattiva, rakkomandazzjoni, talba jew opinjoni kif meħtieġ mill-Kostituzzjoni.

Artikolu I-39

Pubblikazzjoni u bidu fis-seħħ

1.   Liġijiet u liġijiet kwadru Ewropej adottati skond il-proċedura leġislattiva ordinarja għandhom ikunu ffirmati mill-President tal-Parlament Ewropew u mill-President tal-Kunsill.

F'każijiet oħra għandhom ikunu ffirmati mill-President ta' l-istituzzjoni li tkun adottathom.

Liġijiet u liġijiet kwadru Ewropej għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea u għandhom jibdew iseħħu fid-data speċifikata fihom jew, fin-nuqqas ta' tali data speċifikata, fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħhom.

2.   Regolamenti Ewropej, u d-deċiżjonijiet Ewropej li ma jispeċifikawx id-destinatarju, għandhom jkunu ffirmati mill-President ta' l-istituzzjoni li tkun adottathom.

Meta regolamenti Ewropej u deċiżjonijiet Ewropej ma jispeċifikawx id-destinatarju, dawn għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea u għandhom jibdew iseħħu fid-data speċifikata fihom jew, fin-nuqqas ta' tali data, fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħhom.

3.   Deċiżjonijiet Ewropej minbarra dawk previsti fil-paragrafu 2 għandhom jiġu notifikati lid-destinatarji u għandhom jkollhom effett minn meta jiġu hekk notifikati.

KAPITOLU II

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI

Artikolu I-40

Dispożizzjonijiet speċifiċi li jirrelataw għall-politika estera u ta' sigurtà komuni

1.   L-Unjoni Ewropea għandha tmexxi politika estera u ta' sigurtà komuni, bbażata fuq l-iżvilupp ta' solidarjetà politika reċiproka bejn l-Istati Membri, fuq l-identifikazzjoni ta' kwistjonijiet ta' interess ġenerali u t-twettieq ta' konverġenza dejjem akbar ta' l-azzjonijiet ta' l-Istati Membri.

2.   Il-Kunsill Ewropew għandu jidentifika l-interessi stateġiċi ta' l-Unjoni u għandu jiddetermina l-għanijiet tal-politika estera u ta' sigurtà komuni tagħha. Il-Kunsill għandu jelabora din il-politika fil-qafas ta' linji gwida strateġiċi stabbiliti mill-Kunsill Ewropew u skond il-Parti III.

3.   Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill għandhom jadottaw id-deċiżjonijiet Ewropej meħtieġa.

4.   Il-politika estera u ta' sigurtà komuni għandha titwettaq mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni u mill-Istati Membri permezz ta' riżorsi nazzjonali u ta' l-Unjoni.

5.   L-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lil xulxin fi ħdan il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill dwar kull kwistjoni ta' politika estera u ta' sigurtà li tkun ta' interess ġenerali sabiex jiġi stabbilit approċċ komuni. Qabel ma tittieħed azzjoni fix-xena internazzjonali jew qabel ma jintrabat b'xi obbligu li jista' jolqot l-interessi ta' l-Unjoni, kull Stat Membru għandu jikkonsulta ma' l-oħrajn fi ħdan il-Kunsill Ewropew jew fil-Kunsill. L-Istati Membri għandhom jiżguraw, permezz tal-konverġenza ta' l-azzjonijiet tagħhom, li l-Unjoni hija kapaċi li tasserixxi l-interessi u l-valuri tagħha fix-xena internazzjonali. L-Istati Membri għandhom juru solidarjetà bejniethom.

6.   Deċiżjonijet Ewropej li għandhom x'jaqsmu mal-politika estera u ta' sigurtà komuni għandhom jiġu adottati mill-Kunsill Ewropew u mill-Kunsill b'mod unanimu, minbarra fil-każijiet previsti fil-Parti III. Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill għandhom jaġixxu fuq inizjattiva minn Stat Membru, fuq proposta mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni jew fuq proposta minn dak il-Ministru li għandha s-sostenn tal-Kummissjoni. Liġijiet u liġijiet kwadru Ewropej għandhom ikunu esklużi.

7.   Il-Kunsill Ewropew jista', b'mod unanimu, jadotta deċiżjoni Ewropea li tawtorizza lill-Kunsill jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fil-każijiet kollha minbarra dawk previsti fil-Parti III.

8.   Il-Parlament Ewropew għandu jkun konsultat regolarment dwar l-aspetti prinċipali u dwar l-għażliet fundamentali tal-politika estera u ta' sigurtà komuni. Għandu jiġi regolarment infurmat b'kif qed tevolvi.

Artikolu I-41

Dispożizzjonijiet speċifiċi li jirrelataw għall-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni

1.   Il-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni għandha tkun parti integrali tal-politika estera u ta' sigurtà komuni. Għandha tipprovdi lill-Unjoni b'kapaċità operattiva billi tagħmel użu minn riżorsi ċivili u militari. L-Unjoni tista' tużahom f'missjonijiet barra l-Unjoni għaż-żamma tal-paċi, għall-prevenzjoni ta' konflitti u biex tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali skond il-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Dawn il-kompiti għandhom jitwettqu billi jintużaw il-kapaċitajiet provduti mill-Istati Membri.

2.   Il-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni għandha tinkludi t-tfassil progressiv ta' politika ta' difiża komuni ta' l-Unjoni. Dan iwassal għal difiża komuni, meta l-Kunsill Ewropew, b'mod unanimu, jiddeċiedi hekk. F'dak il-każ dan għandu jirrakkomanda lill-Istati Membri l-adozzjoni ta' tali deċiżjoni skond il-ħtiġiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom.

Il-politika ta' l-Unjoni skond dan l-Artikolu ma tippreġudikax il-karattru speċifiku tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża ta' ċerti Stati Membri, tirrispetta l-obbligi ta' ċerti Stati Membri, li jaraw id-difiża komuni tagħhom realizzata fil-qafas ta' l-Organizzazzjoni tat-Trattat tan-Nord Atlantiku, skond it-Trattat tan-Nord Atlantiku, u għandha tkun kompatibbli mal-politika komuni ta' sigurtà u ta' difiża stabbilita f'dak il-qafas.

3.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Unjoni l-kapaċitajiet ċivili u militari għall-implimentazzjoni tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni, sabiex jikkontribwixxu għall-għanijiet stabbiliti mill-Kunsill. Dawk l-Istati Membri li flimkien jistabbilixxu forzi multinazzjonali jistgħu wkoll jagħmluhom disponibbli għall-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni.

L-Istati Membri għandhom jintrabtu li progressivament itejbu l-kapaċitajiet militari tagħhom. Għandha tiġi stabbilita Aġenzija fil-qasam ta' l-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' difiża, tar-riċerka, ta' l-akkwist u ta' l-armamenti (l-Aġenzija tad-Difiża Ewropea) sabiex tidentifika l-ħtiġiet operattivi, tippromwovi l-miżuri li jissodisfaw dawn il-ħtiġiet, tikkontribwixxi sabiex tidentifika u, fejn hu meħtieġ, timplimenta miżuri meħtieġa sabiex issaħħaħ il-bażi industrijali u teknoloġika tas-settur tad-difiża, tipparteċipa sabiex tidentifika politika Ewropea dwar kapaċitajiet u armamenti u tassisti lill-Kunsill fil-valutazzjoni tat-titjib tal-kapaċitajiet militari.

4.   Deċiżjonijiet Ewropej dwar il-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni, inklużi dawk li jibdew missjoni kif prevista f'dan l-Artikolu, għandhom jiġu adottati mill-Kunsill b'mod unanimu, fuq proposta mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni jew fuq inizjattiva minn Stat Membru. Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni jista' jipproponi li juża kemm riżorsi nazzjonali kif ukoll strumenti ta' l-Unjoni, flimkien mal-Kummissjoni fejn xieraq.

5.   Il-Kunsill jista' jafda l-eżekuzzjoni tal-missjoni, fil-qafas ta' l-Unjoni, lil grupp ta' Stati Membri sabiex jiġu protetti l-valuri ta' l-Unjoni u jinqdew l-interessi tagħha. L-eżekuzzjoni ta' din il-missjoni għandha tkun regolata bl-Artikolu III-310.

6.   Dawk l-Istati Membri li l-kapaċitajiet militari tagħhom jilħqu kriterji ogħla u li jkunu ħadu impenji akbar ma' xulxin fil-qasam bil-ħsieb tat-twettiq tal-missjonijiet l-aktar diffiċli għandhom jistabbilixxu koperazzjoni strutturata permanenti fil-qafas ta' l-Unjoni. Din il-koperazzjoni għandha tkun regolata mill-Artikolu III-312. M'għandhiex tolqot d-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu III-309.

7.   Jekk Stat Membru jkun il-vittma ta' aggressjoni armata fuq it-territorju tiegħu, l-Istati Membri l-oħra għandhom jagħtuh għajnuna u assistenza permezz tal-mezzi kollha li jista' jkollhom, skond l-Artikolu 51 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Dan m'għandux jippreġudika l-karattru speċifiku tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża ta' ċerti Stati Membri.

Impenji u koperazzjoni f'dan il-qasam għandhom ikunu konsistenti ma' l-impenji magħmula fl-Organizzazzjoni tat-Trattat tan-Nord Atlantiku, li, għal dawk l-Istati Membri li huma membri tagħha, tibqa' s-sisien tad-difiża kollettiva tagħhom u l-forum għall-implimentazzjoni tagħha.

8.   Il-Parlament Ewropew għandu jiġi konsultat regolarment dwar l-aspetti prinċipali u dwar għażliet fundamentali tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni. Għandu jiġi regolarment infurmat b'kif tevolvi.

Artikolu I-42

Dispożizzjonijiet speċifiċi dwar iż-żona ta' libertà, ta' sigurtà, u ta' ġustizzja

1.   L-Unjoni għandha tkun żona ta' libertà, ta' sigurtà u ta' ġustizzja:

a)

billi tadotta liġijiet u l-liġijiet kwadru Ewropej maħsuba, fejn ikun meħtieġ, biex japprossimaw disposizzjonijiet leġislattivi jew regolatorji ta' l-Istati Membri fl-oqsma previsti fil-Parti III;

b)

billi tippromwovi fiduċja reċiproka bejn l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri, b'mod partikolari fuq bażi tar-rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji;

ċ)

bil-koperazzjoni operattiva bejn l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri, inklużi l-pulizija, s-servizzi doganali u servizzi oħra speċjalizzati fil-qasam tal-prevenzjoni u l-kxif ta' reati.

2.   Il-Parlamenti nazzjonali jistgħu, fil-qafas taż-żona ta' libertà, ta' sigurtà u ta' ġustizzja, jipparteċipaw fil-mekkaniżmi ta' valutazzjoni previsti fl-Artikolu III-260. Għandhom ikunu assoċjati fil-kontroll politiku tal-Europol u fil-valutazzjoni ta' l-attivitajiet tal-Eurojust skond l-Artikoli III-276 u III-273.

3.   L-Istati Membri għandhom id-dritt ta' inizjattiva fil-qasam tal-koperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija f'materji kriminali, skond l-Artikolu III-264.

Artikolu I-43

Klawżola ta' solidarjetà

1.   L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom jaġixxu flimkien fi spirtu ta' solidarjetà jekk xi Stat Membru jkun il-vittma ta' attakk terroristiku jew il-vittma ta' diżastru naturali jew magħmul mill-bniedem. L-Unjoni għandha tuża l-istrumenti kollha li għandha għad-disposizzjoni tagħha, inklużi r-riżorsi militari magħmula disponibbli mill-Istati Membri, sabiex:

a)

tipprevjeni t-theddida ta' l-att terroristiku fit-territorju ta' l-Istati Membri;

tħares l-istituzzjonijiet demokratiċi u l-popolazzjoni ċivili minn kull attakk terroristiku;

tassisti lil xi Stat Membru fit-territorju tiegħu fuq talba ta' l-awtoritajiet politiċi tiegħu f'każ ta' attakk terroristiku;

b)

— tassisti lil xi Stat Membru fit-territorju tiegħu, fuq talba ta' l-awtoritajiet politiċi tiegħu, f'każ ta' diżastru naturali jew magħmul mill-bniedem.

2.   L-arranġamenti fid-dettall għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu huma previsti fl-Artikolu III-329.

KAPITOLU III

KOPERAZZJONI MSAĦĦA

Artikolu I-44

Koperazzjoni msaħħa

1.   L-Istati Membri li jixtiequ jistabbilixxu koperazzjoni msaħħa bejniethom fil-qafas tal-kompetenzi mhux esklużivi ta' l-Unjoni jistgħu jagħmlu użu mill-istituzzjonijiet tagħha u jistgħu jeżerċitaw dawk il-kompetenzi billi japplikaw id-disposizzjonijiet rilevanti tal-Kostituzzjoni, fil-limiti u skond il-proċeduri stabbiliti f'dan l-Artikolu u fl-Artikoli III-416 sa III-423.

Il-koperazzjoni msaħħa għandha timmira biex tiffavorixxi li jinkisbu l-għanijiet ta' l-Unjoni, tħares l-interessi tagħha u ssaħħaħ il-proċess ta' l-integrazzjoni tagħha. Din il-koperazzjoni għandha tkun miftuħa għall-Istati Membri kollha f'kull ħin, skond l-Artikolu III-418.

2.   Id-deċiżjoni Ewropea li tawtorizza koperazzjoni msaħħa għandha tiġi adottata mill-Kunsill bħala l-aħħar għażla, meta jkun ġie stabbilit li l-għanijiet ta' dik il-koperazzjoni ma jistgħux jintlaħqu fi żmien raġonevoli mill-Unjoni bħala unità waħda, u sakemm mill-inqas terz mill-Istati Membri jipparteċipaw fiha. Il-Kunsill għandu jaġixxi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu III-419.

3.   Il-membri kollha tal-Kunsill jistgħu jipparteċipaw fid-deliberazzjonijiet tiegħu, iżda l-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw l-Istati Membri li jkunu qed jipparteċipaw f'koperazzjoni msaħħa biss jistgħu jivvotaw.

L-unanimità tkun kostitwita mill-voti tar-rappreżentanti biss ta' l-Istati Membri li jipparteċipaw.

Maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita bħala li hija ugwali għal mill-inqas 55 % tal-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw lill-Istati Membri parteċipanti li flimkien jinkludu mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni ta' dawn l-Istati.

Minoranza li timblokka għandha tinkludi mill-inqas in-numru minimu ta' membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw iktar minn 35 % tal-popolazzjoni ta' l-Istati Membri parteċipanti, u membru ieħor, u fin-nuqqas ta' dan, il-maġġoranza kwalifikata tkun meqjusa li nkisbet.

B'deroga mit-tielet u r-raba subparagrafi, meta l-Kunsill ma jkunx qed jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni jew fuq proposta tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni, l-maġġoranza kwalifikata meħtieġa għandha tkun definita bħala li hija ugwali għal mill-inqas 72 % tal-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw lill-Istati Membri parteċipanti, li flimkien jinkludu mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni ta' dawn l-Istati.

4.   Atti adottati fil-qafas ta' koperazzjoni msaħħa għandhom biss jorbtu l-Istati Membri li jipparteċipaw. M'għandhomx jiġu meqjusa bħala parti mill-acquis li għandu jiġi aċċettat mill-Istati li huma kandidati għall-adeżjoni ma' l-Unjoni.

TITOLU VI

ĦAJJA DEMOKRATIKA TA' L-UNJONI

Artikolu I-45

Il-prinċipju ta' l-ugwaljanza demokratika

Fl-attivitajiet kollha tagħha, l-Unjoni għandha tosserva l-prinċipju ta' l-ugwaljanza taċ-ċittadini tagħha, li għandhom jingħataw attenzjoni ugwali mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tagħha.

Artikolu I-46

Il-prinċipju ta' demokrazija rappreżentattiva

1.   Il-ħidma ta' l-Unjoni għandha tkun bbażata fuq id-demokrazija rappreżentattiva.

2.   Fil-livell ta' l-Unjoni, ċ-ċittadini huma rappreżentati direttament fil-Parlament Ewropew.

L-Istati Membri huma rrappreżentati fil-Kunsill Ewropew mill-Kap ta' l-Istat jew tal-Gvern tagħhom u fil-Kunsill mill-gvernijiet tagħhom, li huma demokratikament responsabbli jew lejn il-Parlamenti nazzjonali tagħhom, inkella lejn iċ-ċittadini tagħhom.

3.   Kull ċittadin għandu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika ta' l-Unjoni. Id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b'mod kemm jista' jkun miftuħ u kemm jista' jkun qrib iċ-ċittadin.

4.   Il-partiti politiċi fil-livell Ewropew jikkontribwixxu għall-formazzjoni ta' kuxjenza politika Ewropea u għall-espressjoni tar-rieda taċ-ċittadini ta' l-Unjoni.

Artikolu I-47

Il-prinċipju ta' demokrazija parteċipattiva

1.   L-istituzzjonijiet għandhom, permezz tal-mezzi xierqa, jagħtu liċ-ċittadini u lill-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi l-opportunità li jgħarrfu u li jiskambjaw pubblikament l-opinjonijiet tagħhom fl-oqsma kollha ta' l-azzjoni ta' l-Unjoni.

2.   L-istituzzjonijiet għandhom iżommu djalogu miftuħ, trasparenti u regolari ma' assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u mas-soċjetà ċivili.

3.   Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta fil-wisa' minn qabel ma' partijiet konċernati sabiex tiżgura li l-azzjonijiet ta' l-Unjoni jkunu koerenti u trasparenti.

4.   Mhux inqas minn miljun ċittadin, li jkunu ċittadini ta' numru sinifikanti mill-Istati Membri, jistgħu jieħdu l-inizjattiva li jitolbu lill-Kummissjoni, fil-qafas tas-setgħat tagħha, biex tissottometti xi proposta xierqa fuq kwistjonijiet fejn iċ-ċittadini jikkunsidraw li att ġuridiku ta' l-Unjoni jkun meħtieġ biex tiġi implimentata l-Kostituzzjoni. Il-liġi Ewropea għandha tiddetermina d-disposizzjonijiet għall-proċeduri u l-kondizzjonijiet meħtieġa għal inizjattiva bħal din taċ-ċittadini, inkluż in-numru minimu ta' Stati Membri li minnhom għandhom jiġu dawn iċ-ċittadini.

Artikolu I-48

Sħab soċjali u djalogu soċjali awtonomu

L-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi u timpromwovi r-rwol tas-sħab soċjali fil-livell tagħha, filwaqt li tqis d-diversità tas-sistemi nazzjonali. Għandha tiffaċilita djalogu bejn sħab soċjali, waqt li tirrispetta l-awtonomija tagħhom.

Il-Laqgħa Għolja Soċjali Tripartita dwar it-Tkabbir u l-Impjiegi għandha tikkontribwixxi għad-djalogu soċjali.

Artikolu I-49

Ombudsman Ewropew

Ombudsman Ewropew elett mill-Parlament Ewropew għandu jirċievi, jeżamina u jirrapporta dwar ilmenti dwar amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet ta' l-istituzzjonijiet, il-korpi jew l-aġenziji ta' l-Unjoni, kif stabbiliti fil-Kostituzzjoni. L-Ombudsman Ewropew għandu jkun kompletament indipendenti fl-eżerċizzju tad-dmirijiet tiegħu.

Artikolu I-50

Trasparenza fix-xogħol ta' l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji ta' l-Unjoni

1.   Sabiex tiġi promossa amministrazzjoni tajba u sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji ta' l-Unjoni għandhom iwettqu x-xogħol tagħhom b'mod kemm jista' jkun miftuħ.

2.   Il-Parlament Ewropew għandu jiltaqa' fil-pubbliku, kif għandu jagħmel il-Kunsill meta jkun qiegħed jikkunsidra u jivvota dwar abbozz ta' att leġislattiv.

3.   Kull ċittadin ta' l-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru, kif stabbilit mill-Parti III, għandha d-dritt ta' aċċess għad-dokumenti ta' l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji ta' l-Unjoni, tkun xi tkun il-forma li fiha jkunu saru.

Il-liġi Ewropea għandha tistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-limiti li, għal raġunijiet ta' interess pubbliku jew privat, jirregolaw id-dritt ta' aċċess għal dawn id-dokumenti.

4.   Kull istituzzjoni, korp jew aġenzija għandu jiddetermina r-regoli ta' proċedura tiegħu u disposizzjonijiet speċifiċi li għandhom x'jaqsmu ma' l-aċċess għad-dokumenti tiegħu, skond il-liġi Ewropea prevista fil-paragrafu 3.

Artikolu I-51

Protezzjoni ta' data personali

1.   Kull persuna għandha d-dritt għall-protezzjoni ta' data personali li tirrigwardaha.

2.   Liġi jew liġi kwadru Ewropea għandha tistabbilixxi r-regoli li għandhom x'jaqsmu mal-protezzjoni ta' l-individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji ta' l-Unjoni, u mill-Istati Membri meta jwettqu attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' l-applikazzjoni tad-dritt ta' l-Unjoni, u r-regoli li għandhom x'jaqsmu mal-moviment liberu ta' din id-data. Il-ħarsien ta' dawn ir-regoli għandu jkun soġġett għall-kontroll ta' awtoritajiet indipendenti.

Artikolu I-52

Stat ta' knejjes u ta' organizzazzjonijiet mhux konfessjonali

1.   L-Unjoni tirrispetta u ma tippreġudikax l-istat li jgawdu, taħt il-liġi nazzjonali, l-knejjes u l-assoċjazzjonijiet jew il-komunitajiet reliġjużi fl-Istati Membri.

2.   L-Unjoni tirrispetta ugwalment l-istatus taħt il-liġi nazzjonali ta' organizzazzjonijiet filosofiċi u mhux konfessjonali.

3.   Waqt li tirrikonoxxi l-identità u l-kontribuzzjoni speċifika tagħhom, l-Unjoni għandha żżomm djalogu miftuħ, trasparenti u regolari ma' dawn il-knejjes u dawn l-organizzazzjonijiet.

TITOLU VII

FINANZI TA' L-UNJONI

Artikolu I-53

Prinċipji finanzjarji u ta' budget

1.   Il-partiti kollha tad-dħul u l-ħruġ ta' l-Unjoni għandhom ikunu inklużi fl-estimi mħejjija għal kull sena finanzjarja u għandhom jidhru fil-budget ta' l-Unjoni, skond il-Parti III.

2.   Għandu jkun hemm bilanċ fil-budget bejn id-dħul u l-ħruġ.

3.   Il-ħruġ muri fil-budget għandu jkun awtorizzat għall-perjodu annwali ta' budget skond il-liġi Ewropea prevista fl-Artikolu III-412.

4.   L-implimentazzjoni tal-ħruġ muri fil-budget jeħtieġ l-adozzjoni minn qabel ta' att ta' l-Unjoni li jorbot legalment u li jipprovdi bażi legali għall-azzjoni tagħha u għall-implimentazzjoni tal-ħruġ korrispondenti skond il-liġi Ewropea prevista fl-Artikolu III-412, minbarra f'każijiet li għalihom tipprovdi dik il-liġi.

5.   Biex tinżamm dixxiplina fuq il-budget, l-Unjoni ma għandha tadotta l-ebda att li x'aktarx jista' jkollu implikazzjonijiet ta' importanza fuq il-budget mingħajr ma tagħti assigurazzjoni li l-ispiża li tirriżulta minn dawn l-atti tista' tiġi ffinanzjata fil-limitu tar-riżorsi proprji ta' l-Unjoni u skond il-qafas finanzjarju pluriennali previst fl-Artikolu I-55.

6.   Il-budget għandu jkun implimentat skond il-prinċipju ta' amministrazzjoni finanzjarja tajba. L-Istati Membri għandhom jikkoperaw ma' l-Unjoni sabiex jiżguraw li l-approprazzjonijiet imdaħħla fil-budget jiġu wżati skond dan il-prinċipju.

7.   L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, skond l-Artikolu III-415, jikkumbattu l-frodi u kull attività oħra illegali li tolqot l-interessi finanzjarji ta' l-Unjoni.

Artikolu I-54

Riżorsi proprji ta' l-Unjoni

1.   L-Unjoni għandha tara li jkollha l-mezzi neċessarji biex tilħaq l-għanijiet tagħha u timplimenta l-politika tagħha.

2.   Il-budget ta' l-Unjoni għandu jkun iffinanzjat kollu kemm hu mir-riżorsi tagħha, mingħajr preġudizzju għal dħul ieħor.

3.   Il-liġi Ewropea tal-Kunsill għandha tistabbilixxi d-disposizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mas-sistema ta' riżorsi proprji ta' l-Unjoni. F'dan il-kuntest tista' tistabbilixxi kategoriji ġodda ta' riżorsi proprji jew tabolixxi kategorija eżistenti. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew. Dik il-liġi m'għandhiex tibda sseħħ qabel ma tkun approvata mill-Istati Membri skond il-ħtiġiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom.

4.   Liġi Ewropea tal-Kunsill għandha tistabbilixxi miżuri li jimplimentaw is-sistema tar-riżorsi proprji ta' l-Unjoni safejn dan hu previst fil-liġi Ewropea adottata fuq bażi tal-paragrafu 3. Il-Kunsill għandu jaġixxi wara li tinkiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.

Artikolu I-55

Qafas finanzjarju pluriennali

1.   Il-qafas finanzjarju pluriennali għandu jiżgura li l-ħruġ ta' l-Unjoni jiżviluppa b'mod ordinat u fil-limiti tar-riżorsi proprji tagħha. Għandu jiddetermina l-ammonti tal-limiti massimi annwali ta' approprjazzjonijiet għal impenji skond il-kategoriji ta' ħruġ skond l-Artikolu III-402.

2.   Liġi Ewropea tal-Kunsill għandha tistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, li għandha tingħata b'maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu.

3.   Il-budget annwali ta' l-Unjoni għandu jaqbel mal-qafas finanzjarju pluriennali.

4.   Il-Kunsill Ewropew jista' jadotta, b'mod unanimu, deċiżjoni Ewropea li tippermetti li l-Kunsill jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata meta jadotta l-liġi Ewropea tal-Kunsill prevista fil-paragrafu 2.

Artikolu I-56

Budget ta' l-Unjoni

Il-liġi Ewropea għandha tistabbilixxi l-budget annwali ta' l-Unjoni skond l-Artikolu III-404.

TITOLU VIII

L-UNJONI U L-ĠIRIEN TAGĦHA

Artikolu I-57

L-Unjoni u l-ġirien tagħha

1.   L-Unjoni għandha tiżviluppa relazzjoni privileġġjata mal-pajjiżi ġirien tagħha, bil-ħsieb li tistabbilixxi żona ta' prosperità u rapporti tajbin mal-ġirien, fondati fuq il-valuri ta' l-Unjoni u karatterizzata minn relazzjonijiet mill-qrib u paċifiċi bbażati fuq il-koperazzjoni.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-Unjoni tista' tikkonkludi arranġamenti speċifiċi mal-pajjiżi konċernati. Dawn il-ftehim jistgħu jġibu magħhom drittijiet u obbligi reċiproċi kif ukoll il-possibbiltà li jittieħdu azzjonijiet flimkien. L-implimentazzjoni tagħhom għandha tkun soġġetta għal konsultazzjonijiet perjodiċi.

TITOLU IX

SĦUBIJA FL-UNJONI

Artikolu I-58

Kriterji ta' eliġibilità u proċedura għall-adeżjoni ma' l-Unjoni

1.   L-Unjoni għandha tkun miftuħa għall-Istati Ewropej kollha li jirrispettaw il-valuri previsti fl-Artikolu I-2, u li jimpenjaw ruħhom li jipromwovuhom flimkien.

2.   Kull Stat Ewropew li jixtieq isir membru ta' l-Unjoni għandu jindirizza l-applikazzjoni tiegħu lill-Kunsill. Il-Parlament Ewropew u l-Parlamenti nazzjonali għandhom jiġu notifikati dwar din l-applikazzjoni. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jikkonsulta l-Kummissjoni u wara li jikseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew, li għandu jaġixxi b'maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu. Il-kondizzjonijiet u l-arranġamenti għall-ammissjoni għandhom ikunu materja ta' ftehim bejn l-Istati Membri u l-Istat kandidat. Dak il-ftehim għandu jiġi sottomess għar-ratifika mill-Istati kontraenti kollha, skond il-ħtiġiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom.

Artikolu I-59

Sospensjoni ta' ċerti drittijiet li jirriżultaw mis-sħubija fl-Unjoni

1.   Fuq inizjattiva motivata ta' terz ta' l-Istati Membri, jew fuq inizjattiva motivata tal-Parlament Ewropew, jew fuq proposta mill-Kummissjoni, l-Kunsill jista' jadotta deċiżjoni Ewropea li tiddetermina li hemm riskju ċar ta' ksur serju minn Stat Membru tal-valuri previsti fl-Artikolu I- 2. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza ta' erba' minn ħamsa tal-membri tiegħu, wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.

Qabel ma jiddikjara dan, il-Kunsill għandu jisma' lill-Istat Membru in kwistjoni, u waqt li jaġixxi bl-istess proċedura, jista' jindirizza rakkomandazzjonijiet lil dak l-Istat.

Il-Kunsill jivverifika regolarment jekk il-motivi li għalihom tkun saret tali determinazzjoni jibqgħux japplikaw.

2.   Il-Kunsill Ewropew, fuq l-inizjattiva ta' terz ta' l-Istati Membri jew fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jadotta deċiżjoni Ewropea li tiddetermina l-eżistenza ta' ksur gravi u persistenti minn Stat Membru tal-valuri previsti fl-Artikolu I-2, wara li jkun stieden lil dan l-Istat Membru konċernat biex jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu fuq il-kwistjoni. Il-Kunsill Ewropew għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jkollu l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.

3.   Meta tkun saret determinazzjoni taħt il-paragrafu 2, il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jista' jadotta deċiżjoni Ewropea li tissospendi ċerti drittijiet li joħorġu mill-applikazzjoni tal-Kostituzzjoni lill-Istat Membru in kwistjoni, inkluż id-dritt tal-vot tal-membru tal-Kunsill li jirrappreżenta lil dak l-Istat. Il-Kunsill għandu jieħu in kunsiderazzjoni l-konsegwenzi possibbli li din is-sospensjoni jista' jkollha fuq id-drittijiet u l-obbligi ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi.

Fi kwalunkwe każ, dak l-Istat jibqa' marbut bl-obbligi tiegħu skond il-Kostituzzjoni.

4.   Il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jista' jadotta deċiżjoni Ewropea li tvarja jew tħassar miżuri adottati taħt il-paragrafu 3 bħala riżultat ta' bidliet fis-sitwazzjoni li wasslet biex ikunu imposti.

5.   Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, l-membru tal-Kunsill Ewropew jew tal-Kunsill li jirrappreżenta l-Istat Membru in kwistjoni m'għandux jieħu sehem fil-vot u l-Istat Membru in kwistjoni ma jingħaddx fil-kalkolu tat-terz jew ta' l-erba' minn ħamsa ta' l-Istati Membri previsti fil-paragrafi 1 u 2. Astensjonijiet minn membri preżenti jew rappreżentati m'għandhomx iżommu l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet Ewropej previsti fil-paragrafu 2.

Għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet Ewropej previsti fil-paragrafi 3 u 4, maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita bħala li hija ugwali għal mill-inqas 72 % tal-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw lill-Istati Membri parteċipanti, li flimkien jinkludu mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni ta' dawn l-Istati.

Meta, wara deċiżjoni li tissospendi d-dritt tal-vot adottata skond il-paragrafu 3, il-Kunsill jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq bażi ta' disposizzjoni tal-Kostituzzjoni, dik il-maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita kif imsemmi fit-tieni subparagrafu, jew, meta l-Kunsill jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni jew mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni, bħala li hija ugwali għal mill-inqas 55 % tal-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw lill-Istati Membri parteċipanti, li flimkien jinkludu mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni ta' dawn l-Istati. F'dan l-aħħar każ, minoranza li timblokka għandha tinkludi mill-inqas in-numru minimu ta' membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw iktar minn 35 % tal-popolazzjoni ta' l-Istati Membri parteċipanti, u membru ieħor, u fin-nuqqas ta' dan, il-maġġoranza kwalifikata tkun meqjusa li nkisbet.

6.   Għall-għanijiet ta' dan l-Artikolu, l-Parlament Ewropew għandu jaġixxi b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-voti espressi, li jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-Membri tiegħu.

Artikolu I-60

Ħruġ volontarju mill-Unjoni

1.   Kull Stat Membru jista' jiddeċiedi, skond ir-regoli kostituzzjonali proprji, li jirtira mill-Unjoni Ewropea.

2.   Stat Membru li jiddeċiedi li jirtira għandu jinnotifika lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu. Fid-dawl tal-linji gwida provduti mill-Kunsill Ewropew, l-Unjoni għandha tinnegozja u tikkonkludi ma' dak l-Istat ftehim li jirregola l-kondizzjonijiet ta' l-irtirar tiegħu, filwaqt li jittieħed in kunsiderazzjoni l-qafas tar-relazzjonijiet futuri tiegħu ma' l-Unjoni. Dak il-ftehim għandu jiġi nnegozjat skond l-Artikolu III-325(3); għandu jiġi konkluż mill-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, wara li jikseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew.

3.   Il-Kostituzzjoni għandha tieqaf tapplika għal dak l-Istat in kwistjoni mid-data tal-bidu fis-seħħ tal-ftehim dwar l-irtirar jew, fin-nuqqas ta' dan, sentejn wara n-notifika prevista fil-paragrafu 2, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi qbil ma' l-Istat Membru in kwistjoni, ma jiddeċidix b'mod unanimu li jestendi dan il-perijodu.

4.   Għall-finijiet tal-paragrafi 2 u 3, il-membru tal-Kunsill Ewropew jew tal-Kunsill li jirrappreżenta l-Istat Membru li jkun qiegħed jirtira m'għandux jipparteċipa fid-diskussjonijiet tal-Kunsill jew tal-Kunsill Ewropew jew f'deċiżjonijiet Ewropej li jkunu jikkonċernaw lilu.

Maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita bħala li hija ugwali għal mill-inqas 72 % tal-Membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw lill-Istati Membri parteċipanti li flimkien jinkludu mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni ta' dawn l-Istati.

5.   Jekk Stat li jkun irtira mill-Unjoni jitlob li jerġa' jaderixxi mill-ġdid, it-talba tiegħu għandha tkun soġġetta għall-proċedura prevista fl-Artikolu I-58.

PARTI II

IL-KARTA TAD-DRITTIJIET FUNDAMENTALI TA' L-UNJONI

PREAMBOLU

Il-popli ta' l-Ewropa, bil-ħolqien bejniethom ta' unjoni dejjem iktar stretta, ddeċidew li jipparteċipaw f'ġejjieni ta' paċi mibni fuq il-valuri komuni.

Konxja tal-patrimonju spiritwali u morali tagħha, l-Unjoni hi mibnija fuq il-valuri indiviżibbli u universali tad-dinjità umana, tal-libertà, ta' l-ugwaljanza u tas-solidarjetà; hi bbażata fuq il-prinċipji ta' demokrazija u l-istat tad-dritt. Tqiegħed il-persuna fil-qalba ta' l-attivitajiet tagħha, billi tistabbilixxi ċ-ċittadinanza ta' l-Unjoni u billi toħloq żona ta' libertà, ta' sigurtà u ta' ġustizzja.

L-Unjoni tikkontribwixxi għall-preservazzjoni u għall-iżvilupp ta' dawn il-valuri komuni filwaqt li tirrispetta d-diversità tal-kulturi u tat-tradizzjonijiet tal-popli ta' l-Ewropa kif ukoll ta' l-identità nazzjonali ta' l-Istati Membri u ta' l-organizzazzjoni ta' l-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali; tfittex li tippromwovi żvilupp bilanċjat u sostenibbli u tiżgura l-moviment liberu ta' persuni, ta' servizzi, ta' merkanzija u ta' kapital, u l-libertà ta' stabbiliment.

Għal dan l-għan, hu meħtieġ li tiġi msaħħa l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fid-dawl ta' l-evoluzzjoni tas-soċjetà, l-progress soċjali u l-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi, billi dawk id-drittijiet isiru iktar konkreti f'Karta.

Din il-Karta tafferma mill-ġdid, b'rigward għall-kompetenzi u l-kompiti ta' l-Unjoni kif ukoll għall-prinċipju ta' sussidjarjetà, id-drittijiet kif jirriżultaw, b'mod partikolari, mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali u mill-obbligi internazzjonali komuni għall-Istati Membri, l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, l-Karti Soċjali adottati mill-Unjoni u mill-Kunsill ta' l-Ewropa kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. F'dan il-kuntest il-Karta għandha tkun interpretata mill-qrati ta' l-Unjoni u ta' l-Istati Membri b'rigward xieraq ta' l-ispjegazzjonijiet imħejjija taħt l-awtorità tal-Praesidium tal-Konvenzjoni li abbozza l-Karta u aġġornati taħt ir-responsabbiltà tal-Praesidium tal-Konvenzjoni Ewropea.

It-tgawdija ta' dawn id-drittijiet iġġib magħha responsabbiltajiet u dmirijiet kemm fir-rigward ta' ħaddieħor, kif ukoll fir-rigward tal-Komunità tal-bnedmin u tal-ġenerazzjonijiet futuri.

L-Unjoni għaldaqstant tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji elenkati hawn taħt.

TITOLU I

DINJITÀ

Artikolu II-61

Dinjità umana

Id-dinjità umana hija invjolabbli. Għandha tkun rispettata u protetta.

Artikolu II-62

Dritt għall-ħajja

1.   Kulħadd għandu d-dritt għall-ħajja.

2.   Ħadd m'għandu jiġi kkundannat għall-piena tal-mewt, jew li titneħħielu ħajtu.

Artikolu II-63

Dritt għall-integrità tal-persuna

1.   Kull persuna għandha d-dritt għar-rispett ta' l-integrità fiżika u mentali tagħha.

2.   Fl-oqsma tal-mediċina u tal-bijoloġija, dawn li ġejjin għandhom jiġu rispettati b'mod partikolari:

a)

il-kunsens liberu u infurmat tal-persuna interessata, skond il-proċeduri stabbiliti mil-liġi;

b)

il-projbizzjoni ta' prattiċi ewġeniċi, partikolarment dawk li jimmiraw għas-selezzjoni ta' persuni;

ċ)

il-projbizzjoni li l-ġisem uman u l-partijiet tiegħu bħala tali jintużaw bħala mezz ta' gwadann finanzjarju;

d)

il-projbizzjoni ta' klonaġġ riproduttiv tal-bnedmin.

Artikolu II-64

Projbizzjoni ta' tortura jew pieni jew trattamenti inumani jew degradanti

Ħadd m'għandu jkun assoġġettat għal tortura jew għal pieni jew trattamenti inumani jew degradanti.

Artikolu II-65

Projbizzjoni ta' skjavitù u ta' xogħol forzat

1.   Ħadd m'għandu jinżamm fi skjavitù jew f'servitù.

2.   Ħadd m'għandu jiġi mġiegħel jagħmel xogħol forzat jew obbligatorju.

3.   It-traffikar tal-bnedmin huwa projbit.

TITOLU II

LIBERTAJIET

Artikolu II-66

Dritt għal-libertà u għas-sigurtà

Kull persuna għandha d-dritt għal-libertà u għas-sigurtà.

Artikolu II-67

Rispett għall-ħajja privata u tal-familja

Kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta' darha u tal-kommunikazzjonijiet tagħha.

Artikolu II-68

Protezzjoni ta' data personali

1.   Kull persuna għandha d-dritt għall-protezzjoni ta' data personali li tirrigwardaha.

2.   Din id-data għandha tiġi trattata b'mod ġust għal skopijiet determinati u fuq bażi tal-kunsens tal-persuna konċernata jew fuq bażi oħra leġittima stabbilita mil-liġi. Kull persuna għandha d-dritt ta' aċċess għal data miġbura li għandha x'taqsam magħha u d-dritt li tirrettifikaha.

3.   L-osservanza ta' dawn ir-regoli għandha titqiegħed taħt il-kontroll ta' awtorità indipendenti.

Artikolu II-69

Dritt għaż-żwieġ u dritt għat-twaqqif ta' familja

Id-dritt għaż-żwieġ u d-dritt għat-twaqqif ta' familja huma garantiti skond il-liġijiet nazzjonali li jirregolaw l-eżerċizzju ta' dawn id-drittijiet.

Artikolu II-70

Libertà tal-ħsieb, kuxjenza u reliġjon

1.   Kull persuna għandha d-dritt għal-libertà tal-ħsieb, kuxjenza u reliġjon. Dan id-dritt jimplika l-libertà li wieħed ibiddel ir-reliġjon jew it-twemmin tiegħu, kif ukoll il-libertà li juri r-reliġjon jew it-twemmin tiegħu, waħdu jew ma' oħrajn, fil-pubbliku kif ukoll fil-privat, fil-qima, fit-tagħlim, fil-prattika u fl-osservanza tar-riti.

2.   Id-dritt għall-oġgezzjoni ta' kuxjenza hu rikonoxxut, skond il-liġijiet nazzjonali li jirregolaw l-eżerċizzju ta' dan id-dritt.

Artikolu II-71

Libertà ta' l-espressjoni u ta' informazzjoni

1.   Kull persuna għandha d-dritt għal-libertà ta' l-espressjoni. Dan id-dritt jinkludi l-libertà ta' opinjoni u l-libertà li tirċievi jew tagħti informazzjonijiet u ideat mingħajr indħil mill-awtorità pubblika u indipendentement mill-fruntieri.

2.   Il-libertà u l-pluraliżmu tal-mezzi tal-komunikazzjoni għandhom ikunu rispettati.

Artikolu II-72

Libertà ta' assemblea u ta' assoċjazzjoni

1.   Kull persuna għandha d-dritt għal-libertà ta' għaqda paċifika u għal-libertà ta' assoċjazzjoni ma' oħrajn f'kull livell, b'mod partikolari f'materji politiċi, sindakali, u ċiviċi, li jimplika d-dritt ta' kull persuna li tifforma u tidħol f'sindakali għall-protezzjoni ta' l-interessi tagħha.

2.   Il-partiti politiċi f'livell ta' l-Unjoni jikkontribwixxu għall-espressjoni tal-volontà politika taċ-ċittadini ta' l-Unjoni.

Artikolu II-73

Libertà ta' l-arti u x-xjenzi

L-arti u r-riċerka xjentifika huma liberi. Il-libertà akkademika għandha tiġi rispettata.

Artikolu II-74

Dritt għall-edukazzjoni

1.   Kull persuna għandha d-dritt għall-edukazzjoni u li jkollha aċċess għall-formazzjoni professjonali u kontinwa.

2.   Dan id-dritt jinkludi l-possibilità li wieħed jirċievi edukazzjoni obbligatorja bla ħlas.

3.   Il-libertà li jiġu mwaqqfa stabbilimenti ta' tagħlim b'rispett għall-prinċipji demokratiċi kif ukoll id-dritt tal-ġenituri li jiżguraw l-edukazzjoni u t-tagħlim tat-tfal tagħhom, skond it-twemmin reliġjuż, filosofiku u pedagoġiku għandhom jiġu rispettati, skond il-liġijiet nazzjonali li jirregolaw l-eżerċizzju ta' din il-libertà u ta' dan id-dritt.

Artikolu II-75

Libertà ta' l-għażla tal-mestier u d-dritt għax-xogħol

1.   Kull persuna għandha d-dritt li taħdem u li twettaq xogħol magħżul jew aċċettat liberament.

2.   Kull ċittadin ta' l-Unjoni għandu d-dritt li jfittex impjieg, li jaħdem, li jeżerċita d-dritt ta' stabbiliment u li jagħti servizzi f'kull Stat Membru.

3.   Ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma awtorizzati li jaħdmu fit-territorji ta' l-Istati Membri huma intitolati għall-kondizzjonijiet ta' xogħol ekwivalenti għal dawk li jgawdu ċ-ċittadini ta' l-Unjoni.

Artikolu II-76

Libertà ta' intrapriża

Il-libertà ta' intrapriża skond id-dritt ta' l-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali hija rikonoxxuta.

Artikolu II-77

Dritt għall-proprjetà

1.   Kull persuna għandha d-dritt li tgawdi l-proprjetà tal-ġid tagħha li tkun akkwistat legalment, li tużaha, u li tiddisponi minnha f'ħajjitha jew għal wara mewtha. L-ebda persuna ma tista' tiġi mċaħħda mill-proprjetà tagħha, ħlief fl-interess pubbliku u fil-każijiet u skond il-kondizzjonijiet previsti mil-liġi, bi ħlas ta' kumpens xieraq fi żmien utli għal dak li tkun tilfet. L-użu ta' proprjetà jista' jiġi regolat bil-liġi safejn ikun meħtieġ mill-interess pubbliku.

2.   Il-proprjetà intellettwali hi protetta.

Artikolu II-78

Dritt għall-kenn tar-re fuġjati

Id-dritt għall-kenn tar-re fuġjati għandu jkun garantit b'rispett għar-regoli tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra tat-28 ta' Lulju 1951 u l-Protokoll tal-31 ta' Jannar 1967 dwar l-istatus ta' refuġjati u skond il-Kostituzzjoni.

Artikolu II-79

Protezzjoni f'każ ta' tneħħija, tkeċċija jew estradizzjoni

1.   It-tkeċċijiet kollettivi huma projbiti.

2.   Ħadd ma jista' jitneħħa, jitkeċċa jew jkun estradit lejn Stat fejn hemm riskju serju li jkun soġġett għall-piena tal-mewt, għal tortura jew għal pieni jew trattament ieħor inuman jew degradanti.

TITOLU III

UGWALJANZA

Artikolu II-80

Ugwaljanza f'għajnejn il-liġi

Kull persuna hija ugwali f'għajnejn il-liġi.

Artikolu II-81

Non-diskriminazzjoni

1.   Kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, l-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, l-karatteristiċi ġenetiċi, l-lingwa, r-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, l-proprjetà, it-twelid, id-disabilità, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali hi projbita.

2.   Fil-kamp ta' l-applikazzjoni tal-Kostituzzjoni u mingħajr preġudizzju għal kull disposizzjoni speċifika tagħha, kull diskriminazzjoni bbażata fuq nazzjonalità hi projbita.

Artikolu II-82

Diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika

L-Unjoni tirrispetta d-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika.

Artikolu II-83

Ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel

L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel għandha tiġi żgurata fl-oqsma kollha, inkluż l-impjieg, ix-xogħol u l-paga.

Il-prinċipju ta' l-ugwaljanza m'għandux jimpedixxi li jinżammu fis-seħħ jew jiġu adottati miżuri maħsuba biex jagħtu vantaġġi speċifiċi lis-sess l-anqas rappreżentat.

Artikolu II-84

Drittijiet tat-tfal

1.   It-tfal għandhom id-dritt għall-protezzjoni u għall-kura li hija meħtieġa għall-ġid tagħhom. Jistgħu jesprimu l-opinjonijiet tagħhom liberament. Dawn l-opinjonijiet għandhom jitqiesu f'materji li jirrigwardawhom skond l-età u l-maturità tagħhom.

2.   Fl-azzjonijiet kollha li għandhom x'jaqsmu mat-tfal, kemm jekk jittieħdu minn awtoritajiet pubbliċi kif ukoll minn istituzzjonijiet privati, l-aħjar interess tat-tfal għandu jkun kunsiderazzjoni primarja.

3.   It-tfal kollha għandhom id-dritt li jkollhom, fuq bażi regolari, relazzjoni personali u kuntatt dirett maż-żewġ ġenituri, sakemm dan mhuwiex kontra l-interessi tat-tfal.

Artikolu II-85

Drittijiet ta' l-anzjani

L-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-drittijiet ta' l-anzjani li jgħixu ħajja ta' dinjità u indipendenti u li jipparteċipaw fil-ħajja soċjali u kulturali.

Artikolu II-86

Integrazzjoni ta' persuni b'diżabilità

L-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-drittijiet ta' persuni b'diżabilità li jibbenefikaw minn miżuri intiżi sabiex jiżguraw l-indipendenza, l-integrazzjoni soċjali u professjonali tagħhom, u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja tal-komunità.

TITOLU IV

SOLIDARJETÀ

Artikolu II-87

Dritt tal-ħaddiema għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni fi ħdan l-impriża

Il-ħaddiema jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom, fil-livelli xierqa, jkunu garantiti li jingħataw informazzjoni u li jiġu kkonsultati fi żmien utli fil-każijiet u skond il-kondizzjonijiet previsti mid-dritt ta' l-Unjoni u mil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali.

Artikolu II-88

Dritt ta' negozjar u azzjoni kollettiva

Il-ħaddiema u dawk li jħaddmu, jew l-organizzazzjonijiet rispettivi tagħhom, għandhom, skond id-dritt ta' l-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali, d-dritt li jinnegozjaw u li jikkonkludu ftehim kollettivi fil-livelli xierqa u, fil-każ ta' konflitti ta' interess, li jieħdu azzjoni kollettiva inkluża l-azzjoni li jistrajkjaw sabiex jiddefendu l-interessi tagħhom.

Artikolu II-89

Dritt ta' aċċess għal servizzi ta' impjieg

Kull persuna għandha d-dritt ta' aċċess għal servizz ta' impjieg mingħajr ma tħallas.

Artikolu II-90

Protezzjoni fil-każ ta' tkeċċija nġusta

Kull ħaddiem għandu d-dritt għall-protezzjoni kontra tkeċċija inġusta, skond id-dritt ta' l-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali.

Artikolu II-91

Kondizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa

1.   Kull ħaddiem għandu d-dritt għall-kondizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, s-sigurtà u d-dinjità tiegħu.

2.   Kull ħaddiem għandu d-dritt għal limitazzjoni ta' sigħat massimi tax-xogħol, għal perjodi ta' mistrieħ kuljum u fil-ġimgħa u għal perjodu annwali ta' leave imħallas.

Artikolu II-92

Projbizzjoni ta' impjieg ta' tfal u protezzjoni ta' żgħażagħ fuq ix-xogħol

L-impjieg tat-tfal huwa projbit. L-età minima għall-ammissjoni għal impjieg ma tistax tkun anqas mill-età li fiha jispiċċa l-obbligu ta' l-iskola, bla preġudizzju għal regoli iktar favorevoli għaż-żgħażagħ u salvi derogi limitati.

Iż-żgħażagħ li jingħataw xogħol għandhom igawdu minn kondizzjonijiet ta' xogħol skond l-età tagħhom u għandhom ikunu protetti kontra l-isfruttament ekonomiku u kontra kull xogħol li jista' jipperikola s-sigurtà, s-saħħa jew l-iżvilupp fiżiku, mentali, morali jew soċjali tagħhom, jew li jikkomprometti l-edukazzjoni tagħhom.

Artikolu II-93

Ħajja tal-familja u professjonali

1.   Il-familja għandha tgawdi minn protezzjoni legali, ekonomika u soċjali.

2.   Sabiex wieħed jirrikonċilja l-ħajja tal-familja u l-ħajja professjonali, kull persuna għandha d-dritt għall-protezzjoni mit-tkeċċija għal xi raġuni konnessa mal-maternità, u d-dritt għal-leave tal-maternità mħallas u għal-leave parentali wara t-twelid jew l-adozzjoni ta' tifel jew tifla.

Artikolu II-94

Sigurtà soċjali u assistenza soċjali

1.   L-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-dritt għal benefiċċji ta' sigurtà soċjali u servizzi soċjali li jipprovdu protezzjoni f'każijiet bħal ma huma l-maternità, l-mard, l-inċidenti industrijali, d-dipendenza jew l-anzjanità, u fil-kaz ta' telf ta' xogħol, skond ir-regoli stipulati mid-dritt ta' l-Unjoni u mil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali.

2.   Kull min jirrisjedi jew imur minn post għal ieħor legalment fl-Unjoni Ewropea hu intitolat għall-benefiċċji ta' sigurtà soċjali u l-vantaġġi soċjali skond id-dritt ta' l-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali.

3.   Sabiex jiġu kkumbattuti l-esklużjoni soċjali u l-faqar, l-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-dritt għall-għajnuna soċjali u ta' akkomodazzjoni sabiex tiżgura l-eżistenza deċenti għal dawk kollha li huma neqsin minn riżorsi suffiċjenti, skond ir-regoli stabbiliti fil-dritt ta' l-Unjoni u mil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali.

Artikolu II-95

Protezzjoni tas-saħħa

Kull persuna għandha d-dritt ta' aċċess għal assistenza medika preventiva u d-dritt li tgawdi minn kura medika skond il-kondizzjonijiet stabbiliti mil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali. Għandu jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fid-definizjoni u fl-implimentazzjoni tal-politika u l-attivitajiet kollha ta' l-Unjoni.

Artikolu II-96

Aċċess għal servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali

L-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta l-aċċess għal servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali kif previst fil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali, skond il-Kostituzzjoni, sabiex tippromwovi l-koeżjoni soċjali u territorjali ta' l-Unjoni.

Artikolu II-97

Protezzjoni ta' l-ambjent

Livell għoli ta' protezzjoni ta' l-ambjent u t-titjib fil-kwalità ta' l-ambjent għandhom jiġu integrati fil-politika ta' l-Unjoni u għandhom jiġu żgurati skond il-prinċipju ta' l-iżvilupp sostenibbli.

Artikolu II-98

Protezzjoni tal-konsumatur

Il-politika ta' l-Unjoni tiżgura livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur.

TITOLU V

ĊITTADINANZA

Artikolu II-99

Dritt tal-vot u dritt tal-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew

1.   Kull ċittadin ta' l-Unjoni għandu d-dritt li jivvota u li joħroġ bħala kandidat fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-Istat Membru fejn jirrisjedi, skond l-istess kondizzjonijiet applikabbli għaċ-ċittadini ta' dak l-Istat.

2.   Il-membri tal-Parlament Ewropew jiġu eletti b'vot dirett universali li hu liberu u sigriet.

Artikolu II-100

Dritt tal-vot u dritt tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali

Kull ċittadin ta' l-Unjoni għandu d-dritt li jivvota u d-dritt li joħroġ bħala kandidat fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru fejn jirrisjedi skond l-istess kondizzjonijiet applikabbli għaċ-ċittadini ta' dak l-Istat.

Artikolu II-101

Dritt għal amministrazzjoni tajba

1.   Kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi trattat b'mod imparzjali, b'mod ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji ta' l-Unjoni.

2.   Dan id-dritt jinkludi:

a)

id-dritt ta' kull persuna li tagħti l-opinjoni tagħha, qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha ħażin;

b)

id-dritt ta' kull persuna li jkollha aċċess għat-tagħrif uffiċjali miġbura dwarha, filwaqt li jiġu rispettati l-interessi leġittimi ta' kunfidenzjalità u tas-segretezza professjonali u tan-negozju;

ċ)

l-obbligu ta' l-amministrazzjoni li tagħti raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha.

3.   Kull persuna għandha d-dritt li l-Unjoni tagħmel tajjeb għal danni kkaġunati mill-istituzzjonijiet jew l-impjegati tagħha fil-qadi ta' dmirijiethom, skond il-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet ta' l-Istati Membri.

4.   Kull persuna tista' tikteb lill-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni f'waħda mil-lingwi tal-Kostituzzjoni u għandha tirċievi tweġiba bl-istess lingwa.

Artikolu II-102

Dritt ta' aċċess għal dokumenti

Kull ċittadin ta' l-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru, għandu d-dritt ta' aċċess għad-dokumenti ta' l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji ta' l-Unjoni, tkun xi tkun il-forma li fiha jkunu saru.

Artikolu II-103

Ombudsman Ewropew

Kull ċittadin ta' l-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju tagħha reġistrat fi Stat Membru għandhom id-dritt li jirrikorru għand l-Ombudsman Ewropew f'każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet ta' l-istituzzjonijiet, tal-korpi jew ta' l-aġenziji ta' l-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea meta tkun qed taġixxi fir-rwol ġudizzjarju tagħha.

Artikolu II-104

Dritt ta' petizzjoni

Kull ċittadin ta' l-Unjoni u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju tagħha reġistrat fi Stat Membru għandhom id-dritt ta' petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew.

Artikolu II-105

Libertà ta' moviment u ta' residenza

1.   Kull ċittadin ta' l-Unjoni għandu d-dritt ta' libertà ta' moviment u ta' residenza fit-territorju ta' l-Istati Membri.

2.   Il-libertà tal-moviment u tar-residenza tista' tingħata, skond il-Kostituzzjoni, lil ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu residenti legalment fit-territorju ta' Stat Membru.

Artikolu II-106

Protezzjoni diplomatika u konsulari

Kull cittadin ta' l-Unjoni jkun intitolat, fit-territorju ta' pajjiż terz li fih l-Istat Membru li tiegħu jkun ċittadin ma jkunx rappreżentat, li jgawdi mill-protezzjoni mill-awtoritajiet diplomatiċi jew konsulari ta' kull Stat Membru, bl-istess kondizzjonijiet taċ-ċittadini ta' dak l-Istat Membru.

TITOLU VI

ĠUSTIZZJA

Artikolu II-107

Dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali

Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mid-dritt ta' l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi. Kull persuna għandu jkollha l-possibilità li tieħu parir, ikollha difiża u tkun rappreżentata.

Għajnuna legali għandha tingħata lil dawk li ma jkollhomx mezzi biżżejjed, fil-każijiet fejn din l-għajnuna hija neċessarja sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja.

Artikolu II-108

Preżunzjoni ta' innoċenza u dritt għal difiża

1.   Kull imputat għandu jkun preżunt innoċenti sakemm jinstab ħati skond il-liġi.

2.   Għandu jiġi garantit ir-rispett għad-drittijiet tad-difiża ta' kull imputat.

Artikolu II-109

Prinċipji ta' legalità u proporzjonalità ta' reati u ta' pieni

1.   L-ebda persuna m'għandha tinstab ħatja ta' reat għal xi att jew ommissjoni li fiż-żmien meta sar jew saret ma kienx jew ma kenitx reat skond il-liġi nazzjonali jew id-dritt internazzjonali. Lanqas m'għandha tingħata piena ogħla minn dik li kienet applikabbli fiż-żmien meta twettaq ir-reat. Jekk wara li jsir r-reat, il-liġi tipprovdi għal piena inqas, dik il-piena tkun applikabbli.

2.   Dan l-Artikolu m'għandux jippreġudika l-proċess u l-piena ta' kull persuna għal kull att jew ommissjoni li, fiż-żmien meta sar jew saret, kien jew kienet reat skond il-prinċipji ġenerali rikonoxxuti mill-komunità tan-nazzjonijiet.

3.   Is-severità tal-piena m'għandhiex tkun sproporzjonata għar-reat.

Artikolu II-110

Dritt li wieħed ma jiġix ġudikat jew jingħata piena darbtejn fi proċeduri kriminali għall-istess reat

L-ebda persuna ma tista' terġa' tkun proċessata jew punita fi proċeduri kriminali għal reat li tiegħu tkun diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata fi ħdan l-Unjoni b'sentenza li daħlet in ġudikat skond il-liġi.

TITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI LI JIRREGOLAW L-INTERPRETAZZJONI U L-APPLIKAZZJONI TAL-KARTA

Artikolu II-111

Kamp ta' l-applikazzjoni

1.   Id-dispożizzjonijiet ta' din il-Karta huma intiżi għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji ta' l-Unjoni fir-rispett xieraq tal-prinċipju ta' sussidjarjetà u għall-Istati Membri wkoll biss meta jkunu qed jimplimentaw id-dritt ta' l-Unjoni. Għandhom għaldaqstant jirrispettaw id-drittijiet, josservaw il-prinċipji u jippromwovu l-applikazzjoni tagħhom skond il-kompetenzi rispettivi tagħhom u għandhom ukoll jirrispettaw il-limiti tal-kompetenzi ta' l-Unjoni kif mogħtija lilha fil-partijiet l-oħra tal-Kostituzzjoni.

2.   Din il-Karta ma testendix il-kamp ta' l-applikazzjoni tad-dritt ta' l-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi ta' l-Unjoni u ma toħloq l-ebda kompetenza jew l-ebda kompitu ġdid għall-Unjoni, u ma timmodifikax il-kompetenzi u l-kompiti definiti fil-partijiet oħra tal-Kostituzzjoni.

Artikolu II-112

Kamp ta' l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni ta' drittijiet u ta' prinċipji

1.   Kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta' dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta' proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f'dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-finijiet ta' interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew iservu l-bżonn li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta' oħrajn.

2.   Id-drittijiet rikonoxxuti minn din il-Karta li huma previsti f'partijiet oħra tal-Kostituzzjoni għandhom jiġu eżerċitati skond il-kondizzjonijiet u fil-limiti definiti fiha.

3.   Safejn din il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet garantiti mill-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, t-tifsira u l-kamp ta' l-applikazzjoni ta' dawk id-drittijiet ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija. Din id-dispożizzjoni ma żżommx lid-dritt ta' l-Unjoni milli jipprovdi protezzjoni aktar estensiva.

4.   Safejn din il-Karta tirrikonoxxi d-drittijiet fundamentali kif jemanaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, dawk id-drittijiet għandhom ikunu interpretati f'armonija ma' dawk it-tradizzjonijiet.

5.   Id-disposizzjonijiet ta' din il-Karta li fihom prinċipji jistgħu jiġu implimentati b'atti leġislattivi u eżekuttivi meħuda mill-Istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji ta' l-Unjoni, u b'atti ta' l-Istati Membri meta dawn qegħdin jimplimentaw id-dritt ta' l-Unjoni, fl-eżerċizzju tas-setgħat rispettivi tagħhom. Ma jistgħux jiġu invokati fil-qorti ħlief għall-iskop ta' l-interpretazzjoni u d-determinazzjoni tal-legalità ta' dawn l-atti.

6.   Għandha tittieħed kunsiderazzjoni sħiħa tal-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali kif speċifikat f'din il-Karta.

7.   L-ispjegazzjonijiet imfassla bħala gwida għall-interpretazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandhom jingħataw il-kunsiderazzjoni dovuta mill-qrati ta' l-Unjoni u ta' l-Istati Membri.

Artikolu II-113

Livell ta' protezzjoni

Xejn f'din il-Karta m'għandu jiġi interpretat bħala li jirrestrinġi jew li jolqot ħażin id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kif rikonoxxuti, fl-oqsma ta' applikazzjoni rispettivi tagħhom, mid-dritt ta' l-Unjoni u mid-dritt internazzjonali u minn konvenzjonijiet internazzjonali li fihom jipparteċipaw l-Unjoni jew l-Istati Membri kollha, b'mod partikolari l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, u mill-kostituzzjonijiet ta' l-Istati Membri.

Artikolu II-114

Projbizzjoni ta' abbuż tad-dritt

L-ebda dispożizzjoni ta' din il-Karta m'għandha tiġi interpretata b'mod li timplika dritt li ssir attività jew isir xi att li hu intiż biex jeqred xi wieħed jew waħda mid-drittijiet u mil-libertajiet rikonoxxuti f'din il-Karta jew biex jillimitahom b'mod aktar estiż minn kif previst f'din il-Karta.

PARTI III

POLITIKA U FUNZJONAMENT TA' L-UNJONI

TITOLU I

DISPOSIZZJONIJIET TA' APPLIKAZZJONI ĠENERALI

Artikolu III-115

L-Unjoni għandha tiżgura koerenza bejn il-politika u l-attivitajiet differenti previsti f'din il-Parti, billi tqis l-għanijiet kollha ta' l-Unjoni u skond il-prinċipju tal-konferiment ta' kompetenzi.

Artikolu III-116

Fl-attivitajiet kollha previsti f'din il-Parti, l-Unjoni għandha timmira li telimina l-inugwaljanzi, u li tippromwovi l-ugwaljanza, bejn in-nisa u l-irġiel.

Artikolu III-117

Meta tkun qiegħda tiddefinixxi u timplimenta l-politika u l-azzjonijiet previsti f'din il-Parti, l-Unjoni għandha tqis ir-rekwiżiti marbuta mal-promozzjoni ta' livell għoli ta' l-impjiegi, mal-garanzija ta' protezzjoni soċjali xierqa, mal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali, u ma' livell għoli ta' edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

Artikolu III-118

Fid-definizjoni u l-implimentazzjoni tal-politika u l-attivitajiet previsti f'din il-Parti, l-Unjoni għandha timmira li tikkumbatti d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, l-oriġini razjali jew etnika, r-reliġjoni jew il-konvinzjoni, d-disabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali.

Artikolu III-119

Il-ħtiġiet tal-protezzjoni ambjentali għandhom jiġu integrati fid-definizjoni u l-implimentazzjoni tal-politika u l-attivitajiet ta' l-Unjoni previsti f'din il-Parti, b'mod partikolari bil-għan ta' promozzjoni ta' l-iżvilupp sostenibbli.

Artikolu III-120

Il-ħtiġiet tal-protezzjoni tal-konsumatur għandhom jitqiesu fid-definizjoni u l-implimentazzjoni ta' politika u attivitajiet oħra ta' l-Unjoni.

Artikolu III-121

Fit-tfassil u l-implementazzjoni tal-politika ta' l-Unjoni dwar l-agrikoltura, s-sajd, it-trasport, is-suq intern, ir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku u l-ispazju, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, billi l-annimali huma ħlejjaq konxji, jqisu b'mod sħiħ il-ħtiġiet għal trattament xieraq ta' l-annimali, filwaqt li jirrispettaw id-disposizzjonijiet leġislattivi jew amministrattivi u l-użanzi ta' l-Istati Membri b'mod partikolari fir-rigward ta' riti reliġjużi, tradizzjonijiet kulturali u patrimonju reġjonali.

Artikolu III-122

Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli I-5, III-166, III-167 u III-238, u meta jitqies il-post okkupat minn servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali bħal servizzi li kulħadd fl-Unjoni jattribwilhom valur kif ukoll ir-rwol tagħhom fil-promozzjoni ta' koeżjoni soċjali u territorjali tagħha, l-Unjoni u l-Istati Membri, kullħadd fil-kompetenzi rispettivi tiegħu u fil-kamp ta' l-applikazzjoni tal-Kostituzzjoni, għandhom jieħdu ħsieb li dawn is-servizzi joperaw fuq bażi ta' prinċipji u kondizzjonijiet, b'mod partikolari kondizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji, li jippermettulhom li jwettqu l-missjonijiet tagħhom. Il-liġi Ewropea għandha tistabbilixxi dawn il-prinċipji u jiffissaw kondizzjonijiet mingħajr preġudizzju għall-kompetenza ta' l-Istati Membri, skond il-Kostituzzjoni, li jipprovdu, jikkummissjonaw u jiffinanzjaw dawn is-servizzi.

TITOLU II

NON-DISKRIMINAZZJONI U ĊITTADINANZA

Artikolu III-123

Liġi jew liġi kwadru Ewropea tista' tistabbilixxi regoli għall-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni fuq bażi ta' nazzjonalità kif previst fl-Artikolu I-4(2).

Artikolu III-124

1.   Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet l-oħra tal-Kostituzzjoni u fil-limiti tas-setgħat mogħtija minnha lill-Unjoni, liġi jew liġi kwadru Ewropea tal-Kunsill tista' tistabbilixxi l-miżuri meħtieġa biex tiġi kumbattuta d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, r-reliġjon jew il-konvinzjoni, d-disabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jikseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1, liġi jew liġi kwadru Ewropea tista' tistabbilixxi prinċipji bażiċi għal miżuri ta' inċentivi ta' l-Unjoni u tiddefinixxi dawn il-miżuri, sabiex jagħtu sostenn lill-azzjonijiet meħuda minn Stati Membri sabiex jikkontribwixxu għat-twettiq ta' l-għanijiet previsti fil-paragrafu 1, bl-esklużjoni ta' kwalunkwe armonizzazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti tagħhom.

Artikolu III-125

1.   Jekk jidher li hi meħtieġa azzjoni mill-Unjoni biex tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt, previst fl-Artikolu I-10(2)(a), ta' kull ċittadin li jmur minn post għal ieħor u jirrisjedi liberament u l-Kostituzzjoni ma tkunx ipprovdiet is-setgħat meħtieġa, liġi jew liġi kwadru Ewropea tista' tistabbilixxi miżuri għal dak l-għan.

2.   Għall-istess għanijiet previsti fil-paragrafu 1 u jekk il-Kostituzzjoni ma tkunx ipprovdiet għas-setgħat meħtieġa, miżuri li jikkonċernaw passaporti, karti ta' l-identità, permessi ta' residenza jew kull dokument ieħor ta' dan it-tip u miżuri li jikkonċernaw is-sigurtà soċjali jew il-protezzjoni soċjali jistgħu jiġu stabbiliti b'liġi jew liġi kwadru tal-Kunsill. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew.

Artikolu III-126

Liġi jew liġi kwadru Ewropea tal-Kunsill għandha tiddetermina l-arranġamenti dettaljati għall-eżerċizzju tad-dritt, previst fl-Artikolu I-10(2)(b), sabiex kull ċittadin ta' l-Unjoni jkun jista' jivvota u joħroġ bħala kandidat fl-elezzjonijiet muniċipali u fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru fejn jirrisjedi mingħajr ma jkun ċittadin ta' dak l-Istat. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew. Dawn l-arranġamenti jistgħu jipprovdu għal derogi meta ġustifikati minn problemi speċifiċi għal Stat Membru.

Id-dritt tal-vot u d-dritt li wieħed joħroġ bħala kandidat fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew għandhom jiġu eżerċitati mingħajr preġudizzju għall-Artikolu III-330(1) u l-miżuri adottati għall-implimentazzjoni tiegħu.

Artikolu III-127

L-Istati Membri għandhom jadottaw id-disposizzjonijiet meħtieġa biex jiżguraw il-protezzjoni diplomatika u konsulari taċ-ċittadini ta' l-Unjoni f'pajjiżi terzi, kif previst fl-Artikolu I-10(2)(ċ).

L-Istati Membri għandhom jibdew in-negozjati internazzjonali neċessarji sabiex tiġi assigurata din il-protezzjoni.

Liġi Ewropea tal-Kunsill tista' tistabbilixxi l-miżuri meħtieġa biex tiffaċilita din il-protezzjoni. Il-Kunsill għandu jaġixxi wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew.

Artikolu III-128

Il-lingwi li bihom kull ċittadin ta' l-Unjoni għandu d-dritt li jindirizza l-istituzzjonijiet u l-korpi skond l-Artikolu I-10(2)(d), u li jkollu tweġiba, huma dawk elenkati fl-Artikolu IV-448(1). L-istituzzjonijiet u korpi previsti fl-Artikolu I-10(2)(d) huma dawk elenkati fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu I-19(1) u l-Artikoli I-30, I-31 u I-32 kif ukoll l-Ombudsman Ewropew.

Artikolu III-129

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali kull tliet snin dwar l-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu I-8 u ta' dan it-Titolu. Dan ir-rapport għandu jieħu in kunsiderazzjoni l-iżvilupp ta' l-Unjoni.

Fuq il-bażi ta' dan ir-rapport, u mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet l-oħra tal-Kostituzzjoni, liġi jew liġi kwadru Ewropea tal-Kunsill tista' żżid mad-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu I-10. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jikseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew. Il-liġi jew il-liġi kwadru konċernata m'għandhiex tidħol fis-seħħ qabel ma tiġi approvata mill-Istati Membri skond il-ħtiġiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom.

TITOLU III

POLITIKA U AZZJONIJIET INTERNI

KAPITOLU I

SUQ INTERN

SEZZJONI 1

STABBILIMENT U FUNZJONAMENT TAS-SUQ INTERN

Artikolu III-130

1.   L-Unjoni għandha tadotta miżuri bil-ħsieb li tistabbilixxi jew li tiżgura l-funzjonament tas-suq intern, skond id-disposizzjonijiet rilevanti tal-Kostituzzjoni.

2.   Is-suq intern għandu jinkludi żona mingħajr fruntieri interni li fiha l-moviment liberu ta' persuni, servizzi, merkanzija u kapital huwa żgurat skond il-Kostituzzjoni.

3.   Il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta regolamenti u deċiżjonijiet Ewropej li jiddeterminaw il-linji gwida u l-kondizzjonijiet meħtieġa biex jiġi żgurat progress bilanċjat fis-setturi kollha konċernati.

4.   Meta tfassal il-proposti tagħha sabiex tilħaq l-għanijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2, il-Kummissjoni għandha tqis il-livell ta' l-isforz li ċerti ekonomiji li juru differenzi fl-iżvilupp ikollhom isostnu għall-istabbiliment tas-suq intern u tista' tipproponi miżuri xierqa.

Jekk dawn il-miżuri jieħdu l-forma ta' derogi, għandhom ikunu ta' natura temporanja u għandhom jikkawżaw l-inqas disturbi possibbli lill-funzjonament tas-suq intern.

Artikolu III-131

L-Istati Membri għandhom jikkonsultaw ma' xulxin bil-ħsieb li flimkien jieħdu d-disposizzjonijiet meħtieġa li jżommu l-funzjonament tas-suq intern milli jiġi milqut minn miżuri li Stat Membru jista' jiġi msejjaħ sabiex jieħu fil-każ ta' disturbi interni serji li jolqtu l-ordni pubbliku, fil-każ ta' gwerra, tensjoni internazzjonali serja li tikkostitwixxi theddida ta' gwerra, jew sabiex jitwettqu l-obbligi li jkun aċċetta sabiex tinżamm il-paċi u s-sigurtà internazzjonali.

Artikolu III-132

Jekk xi miżuri meħuda fiċ-ċirkostanzi previsti fl-Artikoli III-131 u III-346 ikollhom l-effett li jikkawżaw distorsjoni tal-kondizzjonijiet ta' kompetizzjoni fis-suq intern, il-Kummissjoni għandha, flimkien ma' l-Istat Membru konċernat, teżamina kif dawn il-miżuri jistgħu jiġu addattati għar-regoli stabbiliti fil-Kostituzzjoni.

B'deroga għall-proċedura stabbilita fl-Artikoli III-360 u III-361, il-Kummissjoni jew kwalunkwe Stat Membru jistgħu jġibu l-każ direttament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-Kummissjoni jew l-Istat Membru jikkunsidraw li Stat Membru ieħor ikun qiegħed jabbuża mis-setgħat previsti fl-Artikoli III-131 u III-346. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti s-sentenza tagħha in camera.

SEZZJONI 2

MOVIMENT LIBERU TA' PERSUNI U TA' SERVIZZI

Subsezzjoni 1

Ħaddiema

Artikolu III-133

1.   Il-ħaddiema għandhom id-dritt li jiċċirkolaw liberament fl-Unjoni.

2.   Kull diskriminazzjoni bbażata fuq ċittadinanza bejn ħaddiema ta' l-Istati Membri fir-rigward ta' impjieg, ta' remunerazzjoni u ta' kondizzjonijiet oħra ta' xogħol u ta' impjieg hija pprojbita.

3.   Il-ħaddiema għandhom id-dritt, soġgett għal limitazzjonijiet ġustifikati fuq bażi ta' ordni pubbliku, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika:

a)

li jaċċettaw offerti ta' impjieg li fil-fatt isirulhom;

b)

li jmorru minn post għal ieħor liberament fit-territorju ta' Stati Membru għal dan l-għan;

ċ)

li joqogħdu fi Stat Membru bl-iskop ta' impjieg skond id-disposizzjonijiet li jirregolaw l-impjieg ta' ċittadini ta' dak l-Istat stabbiliti b'liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva;

d)

li jibqgħu fit-territorju ta' Stat Membru wara li jkunu impjegati f'dak l-Istat, soġġetti għall-kondizzjonijiet li għandhom jiġu nkorporati f'regolamenti Ewropej adottati mill-Kummissjoni.

4.   Dan l-Artikolu m'għandux japplika għall-impjieg fis-servizz pubbliku.

Artikolu III-134

Il-liġi jew il-liġi kwadru Ewropea Ewropea għandha tistabbilixxi l-miżuri meħtieġa biex jintlaħaq il-moviment liberu tal-ħaddiema, kif definiti fl-Artikolu III-133. Għandha tiġi adottata wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali.

Din il-liġi jew il-liġi kwadru Ewropea għandha timmira, b'mod partikolari, li:

a)

tiżgura koperazzjoni mill-qrib bejn servizzi nazzjonali ta' l-impjiegi;

b)

tabolixxi dawk il-proċeduri u l-prattiċi amministrattivi u dawk il-perijodi ta' kwalifika fir-rigward ta' eliġibbiltà għal impjieg disponibbli, kemm jekk jirriżultaw minn leġislazzjoni nazzjonali kif ukoll ftehim konkluż preċedentement bejn Stati Membri, illi jekk jinżammu jostakolaw il-liberalizzazzjoni tal-moviment tal-ħaddiema;

ċ)

tabolixxi dawk il-perijodi ta' kwalifika u restrizzjonijiet oħra previsti kemm taħt leġislazzjoni nazzjonali kif ukoll ftehim konkluż preċedentement bejn Stati Membri li jimponu fuq ħaddiema ta' Stati Membri oħra kondizzjonijiet li jirrigwardaw l-għażla libera ta' impjieg li huma differenti minn dawk imposti fuq ħaddiema ta' l-Istat konċernat;

d)

tistabbilixxi mekkaniżmi xierqa li jġibu flimkien l-offerti ta' impjieg ma' l-applikazzjonijiet għall-impjieg u li jiffaċilitaw li jintlaħaq bilanċ bil-kondizzjoni li jkun evitat theddid serju għal-livell ta' l-għixien u għal-livell ta' l-impjieg fid-diversi reġjuni u industriji.

Artikolu III-135

L-Istati Membri għandhom, fil-qafas ta' programm konġunt, jinkoraġgixxu l-iskambju ta' ħaddiema żgħażagħ.

Artikolu III-136

1.   Fil-qasam tas-sigurtà soċjali, liġi jew liġi kwadru Ewropea għandha tistabbilixxi dawk il-miżuri li huma meħtieġa biex ikun hemm libertà ta' moviment għal ħaddiema billi tagħmel arranġamenti sabiex jiżguraw għal impjegati migranti u dawk li jaħdmu għal rashom u d-dipendenti tagħhom:

a)

aggregazzjoni tal-perjodi kollha meqjusa taħt il-liġijiet tal-pajjiżi differenti, biex jinkiseb u jinżamm id-dritt għal benefiċċju u tal-kalkolu ta' l-ammont ta' benefiċċju;

b)

il-ħlas ta' benefiċċji lil persuni residenti fit-territorji ta' l-Istati Membri.

2.   Fejn membru tal-Kunsill jikkunsidra li abbozz ta' liġi jew liġi kwadru Ewropej previst fil-paragrafu 1 jolqot l-aspetti fundamentali tas-sistema ta' sigurtà soċjali tiegħu, inkluż il-kamp ta' l-applikazzjoni, l-kost jew l-istruttura finanzjarja, jew jolqot l-bilanċ finanzjarju ta' dik is-sistema, jista' jitlob li l-kwistjoni tiġi mressqa quddiem il-Kunsill Ewropew. F'dan il-każ, il-proċedura prevista fl-Artikolu III-396 għandha tiġi sospiża. Wara diskussjoni, l-Kunsill Ewropew għandu, fi żmien erba' xhur minn din is-suspensjoni, jew:

a)

jirreferi lura l-abbozz lill-Kunsill, li għandu jwaqqaf is-sospensjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu III-396, jew

b)

jitlob il-Kummissjoni tissottometti proposta ġdida; f'dak il-każ, l-att propost oriġinarjament għandu jitqies li ma ġiex adottat.

Subsezzjoni 2

Libertà ta' stabbiliment

Artikolu III-137

Fil-qafas ta' din is-Subsezzjoni, għandhom jiġu pprojbiti restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' stabbiliment ta' ċittadini ta' Stat Membru fit-territorju ta' Stat Membru ieħor. Din il-projbizzjoni għandha tapplika wkoll għal restrizzjonijiet fuq l-istabbiliment ta' aġenziji, sussidjarji jew fergħat minn ċittadini ta' kwalunkwe Stat Membru stabbiliti fit-territorju ta' Stat Membru.

Ċittadini ta' Stat Membru għandhom id-dritt, fit-territorju ta' Stat Membru ieħor, li jibdew u jwettqu attivitajiet bħal persuni li jaħdmu għal rashom u li jistabbilixxu u jamministraw impriżi, b'mod partikolari kumpanniji jew ditti fis-sens tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu III-142, taħt il-kondizzjonijiet previsti għaċ-ċittadini proprji bil-liġi ta' l-Istat Membru fejn isir dan l-istabbiliment, bla ħsara għas-Sezzjoni 4 rigward il-kapital u l-pagamenti.

Artikolu III-138

1.   Liġi kwadru Ewropea għandha tistabbilixxi miżuri sabiex tinkiseb il-libertà ta' stabbiliment fir-rigward ta' attività partikolari. Għandhom jiġi adottati wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali.

2.   Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Ministri u l-Kummissjoni għandhom jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom taħt il-paragrafu 1, b'mod partikolari:

a)

billi jagħtu, bħala regola ġenerali, trattament ta' prijorità lil attivitajiet fejn il-libertà ta' stabbiliment tagħmel kontribuzzjoni b'valur partikolari għall-iżvilupp tal-produzzjoni u tan-negozju;

b)

billi jiżguraw koperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri sabiex tiġi aċċertata s-sitwazzjoni partikolari fl-Unjoni ta' l-attivitajiet varji konċernati;

ċ)

billi jabolixxu dawk il-proċeduri u l-prattiċi amministrattivi, kemm jekk jirriżultaw minn leġislazzjoni nazzjonali kemm jekk minn ftehim preċedentement konkluż bejn l-Istati Membri, li jekk jinżammu kienu jostakolaw il-libertà ta' stabbiliment;

d)

billi jiżguraw li ħaddiema minn Stat Membru impjegati fit-territorju ta' Stat Membru ieħor jistgħu jibqgħu f'dak it-territorju sabiex jibdew attivitajiet hemmhekk bħala persuni li jaħdmu għal rashom, meta jissodisfaw il-kondizzjonijiet li huma kienu jkunu meħtieġa jissodisfaw li kieku kienu qegħdin jidħlu f'dak l-Istat fiż-żmien meta kellhom l-intenzjoni jibdew dawn l-attivitajiet;

e)

billi jippermettu lil ċittadin ta' Stat Membru li jakkwista u juża art u bini li jinstabu fit-territorju ta' Stat Membru ieħor, sa fejn dan ma jkunx f'konflitt mal-prinċipji previsti fl-Artikolu III-227(2);

f)

billi jwettqu l-abolizzjoni progressiva ta' restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' istabbiliment f'kull fergħa ta' attività ikkunsidrata, kemm fir-rigward tal-kondizzjonijiet biex jiġu stabbiliti aġenziji, fergħat jew sussidjarji fit-territorju ta' Stat Membru u kemm fir-rigward tal-kondizzjonijiet li jirregolaw id-dħul ta' personal ta' l-istabbiliment prinċipali għal posizzjonijiet amministrattivi u ta' sorveljanza f'tali aġenziji, fergħat jew sussidjarji;

g)

billi jikkordinaw sa fejn meħtieġ u bl-iskop li jirrendu ekwivalenti l-garanziji meħtieġa, fl-Istati Membri, mingħand is-soċjetajiet kummerċjali fis-sens tat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu III-142, biex jiġu protetti l-interessi kemm tas-soċji kif ukoll ta' terzi persuni;

h)

billi jaċċertaw ruħhom li l-kondizzjonijiet ta' stabbiliment mhumiex distorti b'għajnuniet mogħtija mill-Istati Membri.

Artikolu III-139

Din is-Subsezzjoni m'għandhiex tapplika, sa fejn kwalunkwe Stat Membru partikolari huwa konċernat, għall-attivitajiet li f'dak l-Istat huma konnessi, anke okkażjonalment, ma' l-eżerċizzju ta' awtorità pubblika.

Il-liġi jew il-liġi kwadru Ewropea Ewropea tista' teskludi ċerti attivitajiet mill-applikazzjoni ta' din is-Subsezzjoni.

Artikolu III-140

1.   Din is-Subsezzjoni u l-miżuri adottati skond l-istess m'għandhomx jippreġudikaw l-applikabilità ta' disposizzjonijiet stabbiliti b'liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri li jipprovdu għal trattament speċjali għal ċittadini barranin fuq bażi ta' l-ordni pubbliku, s-sigurtà pubblika jew is-saħħa pubblika.

2.   Liġi kwadru Ewropea għandha tikkordina d-disposizzjonijiet nazzjonali previsti fil-paragrafu 1.

Artikolu III-141

1.   Il-liġi kwadru Ewropea għandha tiffaċilita l-bidu u t-twettiq ta' attivitajiet bħala persuni li jaħdmu għal rashom. Għandha tkopri:

a)

ir-rikonoxximent reċiproku ta' diplomi, ċertifikati u provi oħrajn ta' kwalifiki formali;

b)

il-kordinazzjoni tad-disposizzjonijiet stabbiliti b'liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri li jikkonċernaw il-bidu u t-twettiq ta' attivitajiet bħala persuni li jaħdmu għal rashom.

2.   Fil-każ tal-professjonijiet mediċi, paramediċi u farmaċewtiċi, s-suppressjoni progressiva ta' restrizzjonijiet għandha tkun dipendenti fuq il-kordinazzjoni tal-kondizzjonijiet għall-eżerċizzju ta' dawn il-professjonijiet fid-diversi Stati Membri.

Artikolu III-142

Soċjetajiet u ditti kostitwiti skond il-liġi ta' Stat Membru u li jkollhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom, l-amministrazzjoni ċentrali jew il-post prinċipali ta' negozju tagħhom fl-Unjoni għandhom, għall-finijiet ta' din is-Subsezzjoni, jiġu trattati bl-istess mod bħal persuni fiżiċi li huma ċittadini ta' Stati Membri.

“Soċjetajiet u ditti” tfisser kumpanniji jew ditti kkostitwiti taħt il-liġi ċivili jew kummerċjali, inklużi soċjetajiet koperattivi, u persuni ġuridiċi oħra rregolati mil-liġi pubblika jew privata, ħlief għal dawk li m'għandhomx l-iskop ta' profitt.

Artikolu III-143

Stati Membri għandhom jagħtu lil ċittadini ta' l-Istati Membri l-oħra l-istess trattament bħaċ-ċittadini tagħhom fir-rigward ta' parteċipazzjoni fil-kapital ta' soċjetajiet jew ditti fis-sens tat-tifsira tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu III-142, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet l-oħra tal-Kostituzzjoni.

Subsezzjoni 3

Libertà tal-provvista ta' servizzi

Artikolu III-144

Fil-qafas ta' din is-Subsezzjoni, r-restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-provvista ta' servizzi fl-Unjoni għandhom jiġu pprojbiti fir-rigward ta' ċittadini ta' Stati Membri li huma stabbiliti fi Stat Membru differenti minn dak tal-persuna li għaliha huma ddestinati s-servizzi.

Il-liġi jew il-liġi kwadru Ewropea Ewropea tista' testendi din is-Subsezzjoni għal ċittadini ta' Stat terz li jipprovdu servizzi u li huma stabbiliti fl-Unjoni.

Artikolu III-145

Jitqiesu bħala “servizzi” għall-għanijiet tal-Kostituzzjoni s-servizzi pprovduti normalment bi ħlas, sakemm ma jkunux regolati mid-disposizzjonijiet li jirrigwardaw il-libertà ta' moviment ta' persuni, merkanzija u kapital.

“Servizzi” għandhom jinkludu b'mod partikolari:

a)

attivitajiet ta' karattru industrijali;

b)

attivitajiet ta' karattru kummerċjali;

ċ)

attivitajiet ta' artiġjanat;

d)

attivitajiet tal-professjonijiet liberi.

Mingħajr preġudizzju għas-Subsezzjoni 2 li tirrigwardja l-libertà ta' stabbiliment, il-persuna li tipprovdi servizz tista', sabiex tagħmel dan, twettaq temporanjament l-attività tagħha fl-Istat Membru fejn huwa pprovdut is-servizz, taħt l-istess kondizzjonijiet li huma imposti minn dak l-Istat fuq iċ-ċittadini proprji.

Artikolu III-146

1.   Il-libertà tal-provvista ta' servizzi fil-qasam tat-trasport għandha tkun irregolata mis-Sezzjoni 7 tal-Kapitolu III dwar it-trasport.

2.   Il-liberalizzazzjoni tas-servizzi bankarji u assigurattivi konnessi mal-movimenti ta' kapital għandha titwettaq mal-liberalizzazzjoni tal-moviment tal-kapital.

Artikolu III-147

1.   Il-miżuri sabiex titwettaq il-liberalizzazzjoni ta' servizz partikolari għandhom ikunu stabbiliti permezz ta' liġi kwadru Ewropea. Dawn għandhom jiġu adottati wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali.

2.   Fir-rigward tal-liġi kwadru Ewropea prevista fil-paragrafu 1, għandha tingħata prijorità bħala regola ġenerali lil dawk is-servizzi li jolqtu direttament l-ispejjeż tal-produzzjoni jew li l-liberalizzazzjoni tagħhom tgħin biex tippromwovi l-kummerċ fil-merkanzija.

Artikolu III-148

L-Istati Membri għandhom jippruvaw jipproċedu għal-liberalizzazzjoni ta' servizzi lil hinn mil-limitu meħtieġ mil-liġi kwadru Ewropea adottati skond l-Artikolu III-147(1), jekk is-sitwazzjoni ekonomika ġenerali tagħhom u s-sitwazzjoni tas-settur ekonomiku interessat jippermettu dan.

Għal dan il-għan il-Kummissjoni għandha tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri konċernati.

Artikolu III-149

Sakemm ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma jkunux ġew aboliti, l-Istati Membri għandhom japplikaw dawn ir-restrizzjonijiet mingħajr distinzjoni fuq bażi ta' ċittadinanza jew ta' residenza għall-persuni kollha li jipprovdu servizzi fis-sens ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu III-144.

Artikolu III-150

L-Artikoli III-139 sa III-142 għandhom japplikaw għall-kwistjonijiet koperti b'din is-Subsezzjoni.

SEZZJONI 3

MOVIMENT LIBERU TA' MERKANZIJA

Subsezzjoni 1

Unjoni Doganali

Artikolu III-151

1.   L-Unjoni għandha tinkludi unjoni doganali li għandha tkopri l-kummerċ kollu fil-merkanzija u li għandha tinvolvi l-projbizzjoni bejn Stati Membri ta' dazji doganali fuq l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet u tal-piżijiet kollha li jkollhom effett ekwivalenti, u l-adozzjoni ta' tariffa doganali komuni fir-relazzjonijiet tagħhom ma' pajjiżi terzi.

2.   Il-paragrafu 4 u s-subsezzjoni 3 dwar il-projbizzjoni ta' restrizzjonijiet kwantitattivi għandhom japplikaw għal prodotti li joriġinaw fi Stati Membri u għal prodotti li jiġu minn pajjiżi terzi li huma f'ċirkolazzjoni libera fi Stati Membri.

3.   Il-prodotti ġejjin minn pajjiż terz huma kkunsidrati f'ċirkolazzjoni libera fi Stat Membru jekk għalihom ikunu saru l-formalitajiet ta' importazzjoni u tħallsu kwalunkwe dazji doganali jew piżijiet li jkollhom effett ekwivalenti pagabbli f'dak l-Istat Membru, u jekk ma bbenefikawx minn rimbors totali jew parzjali ta' dawn id-dazji u piżijiet.

4.   Dazji doganali fuq l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet u piżijiet li jkollhom effett ekwivalenti għandhom jiġu pprojbiti bejn Stati Membri. Din il-projbizzjoni għandha wkoll tapplika għal dazji doganali ta' natura fiskali.

5.   Il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta r-regolamenti u d-deċiżjonijiet li jiffissaw id-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni.

6.   Fit-twettiq tad-dmirijiet mogħtija lilha taħt dan l-Artikolu, l-Kummissjoni għandha tiġi ggwidata:

a)

mill-bżonn li jiġi promoss il-kummerċ bejn Stati Membri u pajjiżi terzi;

b)

minn żviluppi fil-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni fl-Unjoni sa fejn dawn iwasslu għal titjib fil-kompetittività ta' l-impriżi;

ċ)

mill-bżonnijiet tal-Komunità f'dak li huwa l-provvista ta' materja prima u prodotti nofshom maħduma, filwaqt li tassigura li l-kondizzjonijiet ta' kompetizzjoni bejn l-Istati Membri fir-rigward ta' prodotti lesti ma jiġux distorti;

d)

mill-bżonn li jiġu evitati disturbi serji fl-ekonomiji ta' l-Istati Membri u li jiġi assigurat żvilupp razzjonali ta' produzzjoni u l-espansjoni tal-konsum fl-Unjoni.

Subsezzjoni 2

Koperazzjoni Doganali

Artikolu III-152

Fil-kamp ta' l-applikazzjoni tal-Kostituzzjoni, liġi jew liġi kwadru Ewropea għandha tistabbilixxi miżuri sabiex tissaħħaħ il-koperazzjoni doganali bejn l-Istati Membri u bejnhom u l-Kummissjoni.

Subsezzjoni 3

Projbizzjoni ta' restrizzjonijiet kwantitattivi

Artikolu III-153

Ir-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq importazzjonijiet u esportazzjonijiet u l-miżuri kollha li jkollhom effett ekwivalenti huma pprojbiti bejn l-Istati Membri.

Artikolu III-154

L-Artikolu III-153 m'għandux jipprekludi projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet fuq importazzjonijiet, esportazzjonijiet jew merkanzija in transitu ġustifikati mill-moralità pubblika, l-ordni pubbliku jew is-sigurtà pubblika; il-protezzjoni tas-saħħa u l-ħajja tal-bnedmin, ta' l-annimali jew tal-pjanti; il-protezzjoni ta' teżori nazzjonali ta' valur artistiku, storiku jew arkeoloġiku; jew il-protezzjoni ta' proprjetà industrijali u kummerċjali. Dawn il-projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet m'għandhomx, madanakollu, jikkostitwixxu mezz ta' diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni mmaskrata fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

Artikolu III-155

1.   L-Istati Membri għandhom jaġġustaw kull monopolju ta' l-Istat ta' karattru kummerċjali sabiex jassiguraw li l-ebda diskriminazzjoni fir-rigward tal-kondizzjonijiet li taħthom tiġi prokurata u mqiegħda fis-suq il-merkanzija ma tkun teżisti bejn ċittadini ta' Stati Membri.

Dan l-Artikolu għandu japplika għal kull korp li permezz tiegħu Stat Membru, bil-liġi jew fil-fatt, direttament jew indirettament jissorvelja, jiddetermina jew jinfluwenza b'mod apprezzabbli importazzjonijiet jew esportazzjonijiet bejn Stati Membri. Għandu bl-istess mod japplika għal monopolji delegati mill-Istat lil oħrajn.

2.   L-Istati Membri għandhom joqogħdu lura milli jontroduċu kwalunkwe miżura ġdida li hija kontra l-prinċipji stabbiliti fil-paragrafu 1 jew li tirrestrinġi l-kamp ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikoli li jittrattaw il-projbizzjoni ta' dazji doganali u restrizzjonijiet kwantitattivi bejn Stati Membri.

3.   Jekk monopolju ta' l-Istat ta' karattru kummerċjali jkollu regoli li huma maħsuba biex jiffaċilitaw il-kummerċ u l-valorizzazzjoni ta' prodotti agrikoli, fl-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu għandhom jittieħdu passi sabiex jassiguraw salvagwardji ekwivalenti għall-impjieg u l-livell ta' l-għixien tal-produtturi interessati.

SEZZJONI 4

KAPITAL U PAGAMENTI

Artikolu III-156

Fil-qafas ta' din is-Sezzjoni, r-restrizzjonijiet kemm fuq il-moviment ta' kapital kif ukoll fuq pagamenti bejn Stati Membri u bejn Stati Membri u pajjiżi terzi għandhom ikunu pprojbiti.

Artikolu III-157

1.   L-Artikolu III-156 ma jippreġudikax l-applikazzjoni għal pajjiżi terzi ta' kull restrizzjoni li kienet teżisti fil-31 ta' Diċembru 1993 taħt liġi nazzjonali jew ta' l-Unjoni adottata fir-rigward tal-moviment ta' kapital lejn jew minn pajjiżi terzi li jinvolvi investiment dirett - inkluż investiment fil-proprjetà immobbli - stabbiliment, għoti ta' servizzi finanzjarji jew ammissjoni ta' titoli fis-swieq kapitali. Fejn għandhom x'jaqsmu restrizzjonijiet li jeżistu taħt il-liġi nazzjonali fl-Estonja u l-Ungerija, d-data in kwistjoni għandha tkun il-31 ta' Diċembru 1999.

2.   Liġi jew ligi kwadru Ewropea għandha ddaħħal fis-seħħ miżuri fuq il-moviment tal-kapital lejn jew minn pajjiżi terzi li jinvolvi investiment dirett - inkluż investiment fil-proprjetà immobbli - stabbiliment, għoti ta' servizzi finanzjarji jew ammissjoni ta' titoli fis-swieq kapitali.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jippruvaw jiksbu l-għan ta' libertà ta' moviment tal- kapital bejn Stati Membri u pajjiżi terzi fil-miżura l-iktar wiesa' possibbli u mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijiet oħrajn tal-Kostituzzjoni.

3.   Minkejja l-paragrafu 2, għandha tkun biss liġi jew liġi kwadru Ewropea tal-Kunsill li tista' tistabbilixxi miżuri li jikkostitwixxu pass lura fid-dritt ta' l-Unjoni fir-rigward tal-liberalizzazzjoni tal-moviment tal-kapital lejn jew minn pajjiżi terzi. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew.

Artikolu III-158

1.   L-Artikolu III-156 m'għandux jippreġudika d-dritt ta' Stati Membri:

a)

li japplikaw id-disposizzjonijiet rilevanti tal-liġi fiskali tagħhom li tagħmel distinzjoni bejn il-kontribwenti li ma jkunux fl-istess posizzjoni għar-rigward tal-post tar-residenza tagħhom jew għar-rigward tal-post fejn il-kapital tagħhom jkun investit;

b)

li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jipprevjenu ksur ta' disposizzjonijiet nazzjonali stabbiliti b'liġi jew b'regolament, b'mod partikolari fil-qasam tat-taxxa u fil-kontroll prudenzjali ta' istituzzjonijiet finanzjarji, jew biex jistabbilixxu proċeduri għad-dikjarazzjoni ta' movimenti tal-kapital għal għanijiet ta' informazzjoni amministrattiva jew statistika, jew biex jieħdu miżuri li huma ġustifikati fuq bażi ta' ordni pubbliku jew ta' sigurtà pubblika.

2.   Din is-Sezzjoni ma tippreġudikax l-applikabilità ta' restrizzjonijiet fuq id-dritt ta' stabbiliment li huma kompatibbli mal-Kostituzzjoni.

3.   Il-miżuri u l-proċeduri previsti fil-paragrafi 1 u 2 m'għandhomx jikkostitwixxu mezz ta' diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni mmaskrata fuq il-libertà ta' moviment tal-kapital u l-pagamenti kif definit fl-Artikolu III-156.

4.   Fin-nuqqas ta' liġi jew liġi kwadru Ewropea prevista fl-Artikolu III-157(3), il-Kummissjoni jew, fin-nuqqas ta' deċiżjoni Ewropea tal-Kummissjoni fi żmien tliet xhur mit-talba ta' l-Istat Membru konċernat, il-Kunsill, jista' jadotta deċiżjoni Ewropea li tiddikjara li miżuri restrittivi ta' taxxa adottati minn Stat Membru li jikkonċernaw pajjiż terz jew aktar, għandhom ikunu kkunsidrati bħala li huma kompatibbli mal-Kostituzzjoni sakemm ikunu ġustifikati b'wieħed mill-għanijiet ta' l-Unjoni u kompatibbli mal-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu fuq applikazzjoni minn Stat Membru.

Artikolu III-159

Meta, f'ċirkostanzi eċċezzjonali, movimenti ta' kapital lejn jew minn pajjiżi terzi jikkawżaw, jew jheddu li jikkawżaw, diffikultajiet serji għall-operazzjoni ta' l-unjoni ekonomika u monetarja, l-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, jista' jadotta regolamenti jew deċiżjonijiet Ewropej li jdaħħlu miżuri ta' salvagwardja fir-rigward ta' pajjiżi terzi għal perijodu ta' mhux iżjed minn sitt xhur jekk dawn il-miżuri huma strettament meħtieġa. Għandu jaġixxi wara konsultazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew.

Artikolu III-160

Fejn meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet previsti fl-Artikolu III-257, fir-rigward tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u attivitajiet marbuta miegħu, l-liġi Ewropea għandha tiddefinixxi qafas għal miżuri amministrattivi fir-rigward ta' moviment ta' kapital u ta' pagamenti, bħall-iffriżar ta' fondi, assi finanzjarji jew qligħ ekonomiku li jappartjenu għal, jew li jkunu proprjetà ta', jew miżmuma minn, persuni fiżiċi jew ġuridiċi, minn gruppi jew minn entitajiet mhux statali.

Il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta regolamenti Ewropej jew deċiżjonijiet Ewropej sabiex jimplimenta l-liġi Ewropea prevista fl-ewwel paragrafu.

L-atti previsti f'dan l-Artikolu għandhom jinkludu d-disposizzjonijiet meħtieġa dwar salvagwardji legali.

SEZZJONI 5

REGOLI DWAR IL-KOMPETIZZJONI

Subsezzjoni 1

Regoli li japplikaw għal impriżi

Artikolu III-161

1.   Dan li ġej għandu jiġi pprojbit fuq bażi ta' inkompatibbiltà mas-suq intern: kull akkordju bejn impriżi, kull deċiżjoni minn assoċjazzjonijiet ta' impriżi u kull prattika miftiehma li jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn Stati Membri u li għandhom bħala l-għan jew l-effett tagħhom il-prevenzjoni, r-restrizzjoni jew id-distorsjoni ta' kompetizzjoni fis-suq intern, u b'mod partikolari dawk li:

a)

direttament jew indirettament jiffissaw prezzijiet ta' xiri jew ta' bejgħ jew xi kondizzjonijiet oħra ta' kummerċ;

b)

jillimitaw jew jikkontrollaw il-produzzjoni, s-swieq, l-iżvilupp teknoloġiku, jew l-investiment;

ċ)

iqassmu s-swieq jew l-għejjun ta' provvista;

d)

japplikaw kondizzjonijiet differenti għal operazzjonijiet ekwivalenti ma' partijiet oħra fil-kummerċ, u b'hekk iqiegħduhom fi żvantaġġ kompetittiv;

e)

jagħmlu l-konklużjoni ta' kuntratti soġgetta għal aċċettazzjoni mill-partijiet l-oħra ta' obbligi supplimentari li, min-natura tagħhom jew skond l-użanza kummerċjali, m'għandhom ebda konnessjoni mas-suġġett ta' dawn il-kuntratti.

2.   Akkordji jew deċiżjonijiet pprojbiti skond dan l-Artikolu għandhom ikunu nulli u bla effett.

3.   Il-paragrafu 1 jista', madanakollu, jiġi ddikjarat inapplikabbli fil-każ ta':

kull akkordju jew kategorija ta' akkordji bejn impriżi,

kull deċiżjoni jew kategorija ta' deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet ta' impriżi, u

kull prattika miftiehma jew kategorija ta' prattiċi miftiehma

li jikkontribwixxu għat-titjib tal-produzzjoni jew id-distribuzzjoni ta' merkanzija jew għall-promozzjoni ta' progress tekniku jew ekonomiku, waqt li jippermettu li l-konsumatur ikollu sehem ġust mill-benefiċċju li jirriżulta, u li:

a)

ma jimponux fuq l-impriżi konċernati restrizzjonijiet li mhumiex indispensabbli biex jintlaħqu dawn l-għanijiet;

b)

ma jippermettux lil dawn l-impriżi l-possibiltà li jeliminaw il-kompetizzjoni fir-rigward ta' parti sostanzjali tal-prodotti in kwistjoni.

Artikolu III-162

Kull abbuż minn impriża waħda jew iktar ta' posizzjoni dominanti fis-suq intern jew f'parti sostanzjali tiegħu għandu jiġi pprojbit bħala inkompatibbli mas-suq intern sa fejn jista' jolqot l-kummerċ bejn Stati Membri.

Dan l-abbuż jista', b'mod partikolari, jikkonsisti f'li:

a)

direttament jew indirettament jiġu imposti prezzijiet inġusti ta' xiri jew ta' bejgħ jew kondizzjonijiet inġusti oħrajn ta' kummerċ;

b)

jiġu limitati l-produzzjoni, s-swieq jew l-iżvilupp tekniku b'mod li jippreġudika l- konsumaturi;

ċ)

jiġu applikati kondizzjonijiet mhux simili għal transazzjonijiet ekwivalenti ma' partijiet kummerċjali oħra, u b'hekk iqiegħduhom fi żvantaġg kompetittiv;

d)

jagħmlu l-konklużjoni ta' kuntratti soġġetta għal aċċettazzjoni mill-partijiet l-oħra ta' obbligi supplimentari li, min-natura tagħhom jew skond l-użanza kummerċjali, m'għandhom ebda konnessjoni mas-suġgett ta' dawn il-kuntratti.

Artikolu III-163

Il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta r-regolamenti Ewropej biex jagħti effett lill-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli III-161 u III-162. Għandu jaġixxi wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew.

Dawn ir-regolamenti Ewropej għandhom ikunu maħsuba b'mod partikolari:

a)

biex jassiguraw il-ħarsien tal-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu III-161(1) u fl-Artikolu III-162 billi jipprovdu għal multi u pagamenti ta' penali għal dewmien;

b)

biex jistabbilixxu regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-artikolu III-161(3), b'kont meħud tal-bżonn li tiġi assigurata sorveljanza effettiva min-naħa l-waħda, u biex tiġi simplifikata kemm jista' jkun l-amministrazzjoni, min-naħa l-oħra;

ċ)

biex jiddefinixxu, jekk meħtieġ, fil-fergħat varji ta' l-ekonomija, l-kamp ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikoli III-161 u III-162;

d)

biex jiddefinixxu r-rwoli rispettivi tal-Kummissjoni u tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea fl-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet stabbiliti f'dan is-subparagrafu;

e)

biex jiddeterminaw ir-relazzjoni bejn il-liġijiet ta' l-Istati Membri min-naħa l-waħda, u din is-Subsezzjoni jew ir-regolamenti Ewropej adottati skond dan l-Artikolu min-naħa l-oħra.

Artikolu III-164

Sal-bidu fis-seħħ tar-regolamenti Ewropej adottati skond l-Artikolu III-163, l-awtoritajiet fl-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar l-ammissibiltà ta' akkordji, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma u dwar l-abbuż ta' posizzjoni dominanti fis-suq intern skond il-liġi nazzjonali tagħhom u l-Artikoli III-161, b'mod partikolari l-paragrafu 3, u l-Artikolu III-162.

Artikolu III-165

1.   Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu III-164, il-Kummissjoni għandha tassigura l-applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli III-161 u III-162. Fuq talba ta' Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, u bil-koperazzjoni ta' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri, li għandhom jagħtuha l-għajnuna tagħhom, il-Kummissjoni għandha tinvestiga kull ksur suspettat ta' dawn il-prinċipji. Jekk issib li kien hemm ksur, għandha tipproponi miżuri xierqa sabiex twaqqfu.

2.   Jekk il-ksur previst fil-paragrafu 1 ma jieqafx, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni Ewropea motivata li tirreġistra l-ksur tal-prinċipji. Il-Kummissjoni tista' tippubblika d-deċiżjoni tagħha u tawtorizza lill-Istati Membri li jieħdu l-miżuri meħtieġa, li tagħhom għandha tiddetermina hi l-kondizzjonijiet u d-dettalji, biex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni.

3.   Il-Kummissjoni tista' tadotta regolamenti Ewropej dwar il-kategoriji ta' akkordji li fir-rigward tagħhom il-Kunsill adotta regolament Ewropew skond l-Artikolu III-163, it-tieni paragrafu, (b).

Artikolu III-166

1.   Fil-każ ta' impriżi pubbliċi u impriżi li l-Istati Membri jagħtuhom drittijiet speċjali jew esklużivi, l-Istati Membri la għandhom jiddekretaw u lanqas iżommu fis-seħħ xi disposizzjoni kuntrarja għall-Kostituzzjoni, b'mod partikolari l-Artikolu I-4 (2) u l-Artikoli III-161 sa III-169.

2.   Impriżi fdati bl-operazzjoni ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali jew li jkollhom il-karattru ta' monopolju fiskali għandhom ikunu soġġetti għad-disposizzjonijiet tal-Kostituzzjoni, b'mod partikolari r-regoli dwar il-kompetizzjoni, sa fejn l-applikazzjoni ta' dawn id-disposizzjonijiet ma xxekkilx it-twettiq, bil-liġi jew fil-fatt, tad-dmirijiet partikolari mogħtija lilhom. L-iżvilupp tal-kummerċ m'għandux jintlaqat sa dak il-limitu li jkun kuntrarju għall-interessi ta' l-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tassigura l-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu u għandha, meta meħtieġ, tadotta regolamenti jew deċiżjonijiet Ewropej xierqa.

Subsezzjoni 2

Għajnuniet mill-Istati Membri

Artikolu III-167

1.   Salv kif provdut xort'oħra fil-Kostituzzjoni, kull għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi ta' l-Istat fi kwalunkwe forma li twassal għal distorsjoni jew thedded li twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta' ċerta merkanzija għandha, sa fejn tolqot l-kummerċ bejn Stati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.

2.   Dawn li ġejjin għandhom ikunu kompatibbli mas-suq intern:

a)

għajnuna li jkollha karattru soċjali, mogħtija lil konsumaturi individwali, sakemm dik l-għajnuna tingħata mingħajr diskriminazzjoni relatata ma' l-oriġini tal-prodotti konċernati;

b)

għajnuna biex tagħmel tajjeb għall-ħsara kkawżata minn diżastri naturali jew ġrajjiet eċċezzjonali;

ċ)

għajnuna mogħtija lill-ekonomija ta' ċerti żoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja milquta mid-diviżjoni tal-Ġermanja, sa fejn din l-għajnuna hija meħtieġa sabiex tikkumpensa għall-iżvantaġġi ekonomiċi kkawżati minn dik id-diviżjoni. Ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa, l-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jadotta deċiżjoni Ewropea li tħassar dan il-punt.

3.   Dawn li ġejjin jistgħu jiġu kkunsidrati kompatibbli mas-suq intern:

a)

għajnuna biex tippromwovi l-iżvilupp ekonomiku ta' żoni fejn il-livell ta' għixien hu baxx b'mod anormali jew fejn ikun hemm nuqqas serju ta' impjiegi, u ta' reġjuni previsti fl-Artikolu III-424, minħabba s-sitwazzjoni strutturali, ekonomika u soċjali tagħhom;

b)

għajununa biex tippromwovi l-eżekuzzjoni ta' proġett importanti ta' interess komuni Ewropew jew biex tirrimedja disturbi serji fl-ekonomija ta' Stat Membru;

ċ)

għajnuna biex tiffaċilita l-iżvilupp ta' ċerti attivitajiet ekonomiċi jew ta' ċerti reġjuni ekonomiċi, meta din l-għajnuna ma tolqotx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ tant li jkollha effett kuntrarju għall-interess komuni;

d)

għajnuna biex tippromwovi l-kultura u l-konservazzjoni tal-patrimonju meta din l-għajnuna ma tolqotx kondizzjonijiet ta' kummerċ u kompetizzjoni fl-Unjoni tant li jkollha effett kuntrarju għall-interess komuni;

e)

kategoriji oħra ta' għajnuna bħal dawn li jistgħu jiġu speċifikati minn regolamenti jew minn deċiżjonijiet Ewropej adottati mill-Kunsill tal-Ministri fuq proposta mill-Kummissjoni.

Artikolu III-168

1.   Il-Kummissjoni, f'koperazzjoni ma' Stati Membri, għandha żżomm taħt eżami kostanti s-sistemi tagħhom ta' għajnuna li jeżistu f'dawn l-Istati. Għandha tipproponilhom kull miżura xierqa meħtieġa mill-iżvilupp progressiv jew mill-funzjonament tas-suq intern.

2.   Jekk, wara li tagħti notifika lill-partijiet konċernati sabiex dawn jissottomettu l-kummenti tagħhom, il-Kummissjoni ssib li għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi ta' l-Istat mhijiex kompatibbli mas-suq intern meta jitqies l-Artikolu III-167, jew li din l-għajnuna qed tiġi użata ħażin, għandha tadotta deċiżjoni Ewropea li tirrikjedi lill-Istat Membru konċernat jabolixxi jew ibiddel din l-għajnuna f'terminu ta' żmien li għandu jiġi determinat mill-Kummissjoni.

Jekk l-Istat Membru konċernat ma jħarisx din id-deċiżjoni Ewropea fiż-żmien preskritt, il-Kummissjoni jew kull Stat Membru ieħor interessat jistgħu, b'deroga mill-Artikoli III-360 u III-361, jirreferu l-kwistjoni direttament lill-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea.

Fuq applikazzjoni magħmula minn stat membru, l-kunsill b'mod unanimu jista' jadotta deċiżjoni ewropea li dik l-għajnuna li dak l-istat qed jagħti jew għandu l-intenzjoni li jagħti għandha tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq intern, b'deroga mill-artikolu III-167 jew mir-regolamenti ewropej previsti fl-artikolu III-169, jekk din id-deċiżjoni tkun ġustifikata minn ċirkostanzi eċċezzjonali. jekk, fir-rigward ta' l-għajnuna in kwistjoni, l-kummissjoni tkun diġà bdiet il-proċedura prevista fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, l-fatt li l-istat membru konċernat ikun għamel l-applikazzjoni tiegħu lill-kunsill għandu l-effett li jissospendi dik il-proċedura sakemm il-kunsill ikun għarraf il-posizzjoni tiegħu.

Jekk, madanakollu, l-Kunsill ma jkunx ħa l-posizzjoni tiegħu fi żmien tliet xhur minn meta tkun saret l-applikazzjoni msemmija, l-Kummissjoni għandha taġixxi.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiġi infurmata mill-Istati Membri, fi żmien biżżejjed biex jippermettilha tissottometti l-kummenti tagħha, b'kull pjan għall-għoti jew it-tibdil ta' l-għajnuna. Jekk tikkunsidra li proġett bħal dan ma jkunx kompatibbli mas-suq intern skond it-termini ta' l-Artikolu III-167, hija għandha mingħajr dewmien tibda l-proċedura prevista fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu. L-Istat Membru konċernat ma jistax idaħħal fis-seħħ il-miżuri proposti tiegħu qabel ma dik il-proċedura tkun wasslet għal deċiżjoni finali.

4.   Il-Kummissjoni tista' tadotta regolamenti Ewropej dwar il-kategoriji ta' għajnuna mill-Istat li l-Kunsill, skond l-Artikolu III-169, ikun iddetermina li jistgħu jiġu eżentati mill-proċedura prevista fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu III-169

Il-Kunsill tal-Ministri, fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jadotta regolamenti Ewropej għall-applikazzjoni ta' l-Artikoli III-167 u III-168 u għad-determinazzjoni b'mod partikolari tal-kondizzjonijiet li taħthom l-Artikolu III-168(3) għandu japplika u l-kategoriji ta' għajnuna eżentati mill-proċedura prevista f'dak il-paragrafu. Għandu jaġixxi wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew.

SEZZJONI 6

DISPOSIZZJONIJIET FISKALI

Artikolu III-170

1.   Ebda Stat Membru m'għandu jimponi, direttament jew indirettament, fuq il-prodotti ta' Stati Membri oħra xi tassazzjoni interna ta' kwalunkwe tip ogħla minn dik imposta direttament jew indirettament fuq prodotti domestiċi simili.

Barra minn hekk, ebda Stat Membru m'għandu jimponi fuq il-prodotti ta' Stati Membri oħra xi tassazzjoni interna ta' dan it-tip li tagħti protezzjoni indiretta lil prodotti oħra.

2.   Meta jiġu esportati prodotti minn Stat Membru lejn it-territorju ta' Stat Membru ieħor, kull ħlas lura ta' tassazzjoni indiretta m'għandux jeċċedi t-tassazzjoni interna imposta fuqhom kemm direttament u kemm indirettament.

3.   Fil-każ ta' piżijiet li ma humiex taxxi fuq it-turnover, dazji tas-sisa u forom oħra ta' tassazzjoni indiretta, remissjonijiet u rimborsi fir-rigward ta' esportazzjonijiet lejn Stati Membri oħra ma jistgħux jingħataw u piżijiet kompensatorji fir-rigward ta' importazzjonijiet minn Stati Membri ma jistgħux jiġu mposti sakemm id-disposizzjonijiet kontemplati ma jkunux ġew approvati minn qabel għal perijodu limitat minn deċiżjoni Ewropea adottata mill-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni.

Artikolu III-171

Il-liġi jew il-liġi kwadru Ewropea Ewropea tal-Kunsill għandha tistabbilixxi miżuri għall-armonizzazzjoni ta' leġislazzjoni li tikkonċerna t-taxxi fuq it-turnover, id-dazji tas-sisa u forom oħra ta' tassazzjoni indiretta sakemm din l-armonizzazzjoni hija meħtieġa għall-istabbiliment u għall-funzjonament tas-suq intern u sabiex tiġi evitata distorsjoni tal-kompetizzjoni. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali.

SEZZJONI 7

DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI

Artikolu III-172

1.   Minbarra fejn hu previst mod ieħor fil-Kostituzzjoni, dan l-Artikolu għandu japplika biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu III-130. Liġi jew liġi kwadru Ewropea għandha tistabbilixxi miżuri għall-approssimazzjoni tad-disposizzjonjiet stabbiliti b'liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri li għandhom bħala l-għan tagħhom l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern. Din il-liġi għandha tiġi adottata wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali.

2.   Il-paragrafu 1 m'għandux japplika għal disposizzjonijiet fiskali, għal dawk dwar il-moviment liberu ta' persuni jew għal dawk dwar id-drittijiet u l-interessi ta' persuni impjegati.

3.   Il-Kummissjoni, fil-proposti tagħha sottomessi taħt il-paragrafu 1 li jikkonċernaw is-saħħa, s-sigurtà, il-protezzjoni ambjentali u l-protezzjoni tal-konsumatur, għandha tieħu bħala l-bażi tagħha livell għoli ta' protezzjoni, b'mod partikolari b'kont meħud ta' kull żvilupp ġdid ibbażat fuq fatti xjentifiċi. Fil-kompetenzi rispettivi tagħhom, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom ukoll ifittxu li jilħqu dan il-għan.

4.   Jekk, wara l-adozzjoni ta' miżura ta' armonizzazzjoni permezz ta' liġi jew liġi kwadru Ewropea jew permezz ta' regolament Ewropew tal-Kummissjoni, Stat Membru jqis li hu meħtieġ li jżomm fis-seħħ disposizzjonijiet nazzjonali ġustifikati b'esiġenzi importanti previsti fl-Artikolu III-154, jew li jirrelataw għall-protezzjoni ta' l-ambjent jew l-ambjent tax-xogħol, għandu jinnotifika lill-Kummissjoni b'dawn id-disposizzjonijiet kif ukoll bir-raġunijiet li għalihom għandhom jinżammu.

5.   Barra minn hekk, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, jekk, wara l-adozzjoni ta' miżura ta' armonizzazzjoni permezz ta' liġi jew liġi kwadru Ewropea jew permezz ta' regolament tal-Kummissjoni, Stat Membru jqis li jeħtieġ idaħħal disposizzjonijiet nazzjonali bbażati fuq evidenza xjentifika ġdida dwar il-protezzjoni ta' l-ambjent jew l-ambjent tax-xogħol minħabba problema speċifika għal dak l-Istat Membru li toriġina wara l-adozzjoni tal-miżura ta' armonizzazzjoni, għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bid-disposizzjonijiet previsti u r-raġunijiet għalihom.

6.   Il-Kummissjoni għandha, fi żmien sitt xhur min-notifiki previsti fil-paragrafi 4 u 5, tadotta deċiżjoni Ewropea li tapprova jew tirrifjuta d-disposizzjonijiet nazzjonali involuti wara li tkun ivverifikat jekk humiex mezz ta' diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni mmaskrata kontra l-kummerċ bejn Stati Membri jew le u jekk jikkostitwux xkiel għall-funzjonament tas-suq intern jew le.

Fin-nuqqas ta' deċiżjoni mill-Kummissjoni f'dan it-terminu ta' żmien, id-disposizzjonijiet nazzjonali previsti fil-paragrafi 4 u 5 għandhom jitqiesu li ġew approvati.

Meta ġustifikat mill-komplessità tal-kwistjoni u fin-nuqqas ta' perikolu għas-saħħa tal-bniedem il-Kummissjoni tista' tavża l-Istat Membru konċernat li t-terminu ta' żmien previst f'dan il-paragrafu huwa mġedded għal perijodu ieħor ta' mhux iżjed minn sitt xhur.

7.   Meta, skond il-paragrafu 6, Stat Membru huwa awtorizzat iżomm fis-seħħ jew idaħħal disposizzjonijiet nazzjonali li jidderogaw minn miżura ta' armonizzazzjoni, l-Kummissjoni għandha immedjatament teżamina jekk tipproponix adattament għal dik il-miżura.

8.   Meta Stat Membru jqajjem problema speċifika dwar is-saħħa pubblika f'qasam li kien is-suġgett ta' miżuri ta' armonizzazzjoni preċedenti, għandu jressaqha għall-attenzjoni tal-Kummissjoni li għandha immedjatament teżamina jekk tipproponix miżuri xierqa.

9.   B'deroga mill-proċedura stabbilita fl-Artikoli III-360 u III-361, il-Kummissjoni u kull Stat Membru jistgħu jressqu l-kwistjoni direttament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea jekk jikkunsidraw li Stat Membru ieħor qed jabbuża mill-poteri previsti f'dan l-Artikolu.

10.   Il-miżuri ta' armonizzazzjoni previsti f'dan l-Artikolu għandhom, f'każijiet xierqa, jinkludu klawżola ta' salvagwardja li tawtorizza lill-Istati Membri li jieħdu, għal raġuni/jiet mhux ekonomiċi previsti fl-Artikolu III-154, miżuri provviżorji soġġetti għal proċedura ta' kontroll ta' l-Unjoni.

Artikolu III-173

Bla preġudizzju għall-Artikolu III-172, liġi kwadru Ewropea tal-Kunsill għandha tistabbilixxi miżuri għall-approssimazzjoni ta' dawk il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-disposizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li jolqtu direttament l-istabbiliment jew il-funzjonament tas-suq intern. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali.

Artikolu III-174

Meta l-Kummissjoni issib li differenza bejn id-disposizzjonijiet stabbiliti b'liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri qed tikkawża distorsjoni fil-kondizzjonijiet ta' kompetizzjoni fis-suq intern u li hemm bżonn li d-distorsjoni li tirriżulta tiġi eliminata, għandha tikkonsulta ma' l-Istati Membri konċernati.

Jekk din il-konsultazzjoni ma tirriżultax fi ftehim, il-liġi kwadru Ewropea għandha tistabbilixxi l-miżuri meħtieġa sabiex id-distorsjoni in kwistjoni tiġi eliminata. Tista' tiġi adottata kull miżura oħra xierqa prevista fil-Kostituzzjoni.

Artikolu III-175

1.   Meta jkun hemm raġuni għal biża' li l-adozzjoni jew l-emenda ta' disposizzjoni nazzjonali stabbilita b'liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva ta' Stat Membru tista' tikkawża distorsjoni fis-sens ta' l-Artikolu III-174, Stat Membru li jixtieq jipproċedi biha għandu jikkonsulta lill-Kummissjoni. Wara konsultazzjoni ma' l-Istati Membri, l-Kummissjoni għandha tindirizza lill-Istati Membri konċernati rakkomandazzjoni dwar il-miżuri adatti sabiex tiġi evitata d-distorsjoni in kwistjoni.

2.   Jekk Stat Membru li jixtieq idaħħal jew jemenda d-disposizzjonijiet tiegħu ma jħarisx ir-rakkomandazzjoni indirizzata lilu mill-Kummissjoni, Stati Membri oħra m'għandhomx ikunu meħtieġa, skond l-Artikolu III-174, li jemendaw id-disposizzjonijiet tagħhom sabiex jeliminaw dik id-distorsjoni. Jekk l-Istat Membru li ma jkunx ta każ tar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni jikkawża distorsjoni ta' detriment għalih innifsu biss, l-Artikolu III-174 m'għandux japplika.

Artikolu III-176

Fil-kuntest ta' l-istabbiliment u tal-funzjonament tas-suq intern, miżuri għall-introduzzjoni ta' strumenti Ewropej biex jipprovdu protezzjoni uniformi għad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali fl-Unjoni u għall-istabbiliment ta' arranġamenti ta' awtorizzazzjoni, kordinazzjoni u sorveljanza ċentralizzati fl-Unjoni kollha għandhom jiġu stabbiliti f'liġi jew liġi kwadru Ewropea.

Liġi Ewropea tal-Kunsill għandha tistabbilixxi l-arranġamenti tal-lingwa għall-istrumenti Ewropej. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew.

KAPITOLU II

POLITIKA EKONOMIKA U MONETARJA

Artikolu III-177

Għall-finijiet ta' l-Artikolu I-3, l-attivitajiet ta' l-Istati Membri u ta' l-Unjoni għandhom jinkludu, kif previst fil-Kostituzzjoni, l-adozzjoni ta' politika ekonomika li hija bbażata fuq il-kordinazzjoni mill-qrib tal-politika ekonomika ta' l-Istati Membri, s-suq intern u d-definizjoni ta' għanijiet komuni, u mmexxija skond il-prinċipju ta' ekonomija ta' suq miftuħ b'kompetizzjoni libera.

Flimkien ma' dan ta' qabel, u kif previst fil-Kostituzzjoni u skond il-proċeduri stabbiliti hemmhekk, dawn l-attivitajiet għandhom jinkludu munita unika, l-euro, u d-definizjoni u l-kondotta ta' politika monetarja unika u politika tal-kambju unika, u l-għan primarju tat-tnejn għandu jkun li tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet u, mingħajr preġudizzju għal dan il-għan, li tiġi sostnuta l-politika ekonomika ġenerali fl-Unjoni, skond il-prinċipju ta' ekonomija ta' suq miftuħ b'kompetizzjoni libera.

Dawn l-attivitajiet ta' l-Istati Membri u ta' l-Unjoni għandhom jinvolvu l-ħarsien tal-prinċipji ta' gwida li ġejjin: prezzijiet stabbli, finanzi pubbliċi u kondizzjonijiet monetarji tajbin u bilanċ stabbli ta' pagamenti.

SEZZJONI 1

POLITIKA EKONOMIKA

Artikolu III-178

L-Istati Membri għandhom isegwu l-politika ekonomika tagħhom sabiex jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-għanijiet ta' l-Unjoni, kif definit fl-Artikolu I-3, u fil-kuntest tal-linji gwida wiesa' previsti fl-Artikolu III-179(2). L-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jaġixxu skond il-prinċipju ta' ekonomija ta' suq miftuħ b'kompetizzjoni libera, li tiffavorixxi allokazzjoni effiċjenti ta' riżorsi, u skond il-prinċipji previsti fl-Artikolu III-177.

Artikolu III-179

1.   L-Istati Membri għandhom iqisu l-politika ekonomika tagħhom bħala kwistjoni ta' interess komuni u għandhom jikkordinawhom fil-Kunsill, skond l-Artikolu III-178.

2.   Il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, għandu jifformula abbozz għal-linji gwida wiesa' tal-politika ekonomika ta' l-Istati Membri u ta' l-Unjoni, u għandu jirrapporta ir-riżultati tiegħu lill-Kunsill Ewropew.

Il-Kunsill Ewropew, fuq bażi tar-rapport mill-Kunsill, għandu jiddiskuti konklużjoni dwar il-linji gwida wiesa' tal-politika ekonomika ta' l-Istati Membri u ta' l-Unjoni. Fuq bażi ta' din il-konklużjoni, l-Kunsill għandu jadotta rakkomandazzjoni li tistabbilixxi dawn il-linji gwida wiesa'. Għandu jinforma lill-Parlament Ewropew bir-rakkomandazzjoni tiegħu.

3.   Sabiex tiġi assigurata kordinazzjoni iktar mill-qrib tal-politika ekonomika u konverġenza sostnuta tar-rendimenti ekonomiċi ta' l-Istati Membri, l-Kunsill, fuq bażi ta' rapporti sottomessi mill-Kummissjoni, għandu jagħmel kontroll ta' l-iżviluppi ekonomiċi f'kull wieħed mill-Istati Membri u fl-Unjoni, kif ukoll tal-konsistenza tal-politika ekonomika mal-linji gwida wiesa' previsti fil-paragrafu 2, u għandu jagħmel regolarment stima globali.

Għall-għanijiet ta' din is-sorveljanza multilaterali, l-Istati Membri għandhom jgħaddu informazzjoni lill-Kummissjoni dwar miżuri importanti meħuda minnhom fil-qasam tal-politika ekonomika tagħhom u informazzjoni oħra li jqisu neċessarja.

4.   Meta jigi stabbilit, taħt il-proċedura prevista fil-paragrafu 3, li l-politika ekonomika ta' Stat Membru mhiex konformi mal-linji gwida wiesa' previsti fil-paragrafu 2 jew li hemm ir-riskju li jipperikolaw il-funzjonament xieraq ta' l-unjoni ekonomika u monetarja, l-Kummissjoni tista' tindirizza twissija lill-Istat Membru konċernat. Il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, jista' jindirizza r-rakkomandazzjonijiet meħtieġa lill-Istat Membru konċernat. Il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jiddeċiedi li jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu pubbliċi.

Fil-kamp ta' l-applikazzjoni ta' dan il-paragrafu, l-Kunsill għandu jaġixxi mingħajr ma jieħu in kunsiderazzjoni l-vot tal-membru tal-Kunsill li jkun qed jirrappreżenta lill-Istat Membru konċernat.

Maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita bħala li hija ugwali għal mill-inqas 55 % tal-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw lil Stati Membri li flimkien jinkludu mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni ta' dawn l-Istati.

Minoranza li timblokka għandha tinkludi mill-inqas in-numru minimu ta' dawn il-membri l-oħra tal-Kunsill li jirrappreżentaw iktar minn 35 % tal-popolazzjoni ta' l-Istati Membri parteċipanti, u membru ieħor, u fin-nuqqas ta' dan, il-maġġoranza kwalifikata tkun meqjusa li nkisbet.

5.   Il-President tal-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jirrapportaw lill-Parlament Ewropew dwar ir-riżultati tas-sorveljanza multilaterali. Il-President tal-Kunsill jista' jkun mistieden jidher quddiem il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jekk il-Kunsill ikun għamel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu pubbliċi.

6.   Il-liġi Ewropea tista' tistabbilixxi regoli dettaljati għall-proċedura ta' sorveljanza multilaterali prevista fil-paragrafi 3 u 4.

Artikolu III-180

1.   Mingħajr preġudizzju għal xi proċedura oħra prevista mill-Kostituzzjoni, l-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jadotta deċiżjoni Ewropea li tistabbilixxi l-miżuri xierqa għas-sitwazzjoni ekonomika, b'mod partikolari jekk jinħolqu diffikultajiet serji fil-provvista ta' ċerti prodotti.

2.   Meta Stat Membru jkun f'diffikultajiet jew ikun mhedded serjament b'diffikultajiet serji kkawżati minn diżastri naturali jew ġrajjiet eċċezzjonali lil hinn mill-kontroll tiegħu, l-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jadotta deċiżjoni Ewropea li tagħti, taħt ċerti kondizzjonijiet, għajnuna finanzjarja ta' l-Unjoni lill-Istat Membru konċernat. Il-President tal-Kunsill għandu jinforma lill-Parlament Ewropew bid-deċiżjoni adottata.

Artikolu III-181

1.   Faċilitajiet ta' overdraft jew kull tip ieħor ta' faċilità ta' kreditu mal-Bank Ċentrali Ewropew jew mal-banek ċentrali ta' l-Istati Membri (minn issa 'l quddiem magħrufa bħala “banek ċentrali nazzjonali”) a favur ta' istituzzjonijiet, korpi jew aġenziji ta' l-Unjoni, gvernijiet ċentrali, awtoritajiet reġjonali, lokali jew oħrajn pubbliċi, korpi oħra regolati mid-dritt pubbliku, jew impriżi pubbliċi ta' Stati Membri għandhom jiġu pprojbiti, bħalma jkun ix-xiri direttament minn għandhom mill-Bank Ċentrali Ewropew jew mill-banek ċentrali nazzjonali ta' titoli ta' debitu.

2.   Il-paragrafu 1 m'għandux japplika għal istituzzjonijiet ta' kreditu ta' proprjetà pubblika li, fil-kuntest tal-provvista ta' riżervi minn banek ċentrali nazzjonali, għandhom jingħataw l-istess trattament minn banek ċentrali nazzjonali u mill-Bank Ċentrali Ewropew bħal istituzzjonijiet privati ta' kreditu.

Artikolu III-182

Kull miżura jew disposizzjoni, mhux ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet ta' prudenza, li tistabbilixxi aċċess privileġgjat minn istituzzjonijiet, korpi jew aġenziji ta' l-Unjoni, gvernijiet ċentrali, awtoritajiet reġjonali, lokali jew oħrajn pubbliċi, korpi oħrajn regolati mid-dritt pubbliku, jew impriżi pubbliċi ta' Stati Membri għall-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jiġu pprojbiti.

Artikolu III-183

1.   L-Unjoni m'għandhiex tidħol responsabbli għal jew tassumi l-impenji ta' gvernijiet ċentrali, awtoritajiet reġjonali, lokali jew oħrajn pubbliċi, korpi oħra regolati mid-dritt pubbliku, jew impriżi pubbliċi ta' kull Stat Membru, mingħajr preġudizzju għal garanziji finanzjarji reċiproċi għall-eżekuzzjoni konġunta ta' proġett speċifiku. Stat Membru m'għandux jidħol responsabbli għal jew jassumi l-impenji ta' gvernijiet ċentrali, awtoritajiet reġjonali, lokali jew oħrajn pubbliċi, korpi oħrajn regolati mid-dritt pubbliku, jew impriżi pubbliċi ta' Stat Membru ieħor, bla preġudizzju għal garanziji finanzjarji reċiproċi għall-eżekuzzjoni konġunta ta' proġett speċifiku.

2.   Il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jadotta regolamenti jew deċiżjonijiet Ewropej li jispeċifikaw definizjonijiet għall-applikazzjoni tal-projbizzjonijiet previsti fl-Artikoli III-181 u III-182 u f'dan l-Artikolu. Għandu jaġixxi wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew.

Artikolu III-184

1.   L-Istati Membri għandhom jevitaw deficit eċċessiv tal-gvern.

2.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel kontroll ta' l-iżvilupp tas-sitwazzjoni tal-budget u ta' l-ammont tad-dejn pubbliku fl-Istati Membri sabiex tidentifika żbalji kbar. B'mod partikolari għandha teżamina għall-ħarsien tad-dixxiplina tal-budget fuq bażi taż-żewġ kriterji li ġejjin:

a)

jekk il-proporzjon tad-deficit pubbliku ppjanat jew attwali għall-prodott gross domestiku jeċċedix valur ta' referenza, sakemm:

i)

jew il-proporzjon ikun naqas sostanzjalment u kontinwament u jkun laħaq livell li jiġi qrib il-valur ta' referenza, jew

ii)

l-eċċess fuq il-valur ta' referenza jkun biss eċċezzjonali u temporanju u l-proporzjon jibqa' qrib il-valur ta' referenza;

b)

jekk il-proporzjon tad-dejn pubbliku għall-prodott gross domestiku jeċċedix valur ta' referenza, sakemm il-proporzjon ma jkunx qed jonqos biżżejjed u joqrob lejn il-valur ta' referenza b'pass sodisfaċenti.

Il-valuri ta' referenza huma speċifikati fil-Protokoll dwar il-proċedura għad-deficit eċċessiv.

3.   Jekk Stat Membru ma jissodisfax il-ħtiġiet taħt kriterju wieħed jew aktar, il-Kummissjoni għandha tipprepara rapport. Ir-rapport tal-Kummissjoni għandu wkoll jieħu in kunsiderazzjoni jekk id-deficit pubbliku jeċċedix l-infiq pubbliku fuq l-investiment u jieħu in kunsiderazzjoni l-fatturi kollha l-oħra rilevanti, inkluża l-posizzjoni ekonomika u tal-budget ta' l-Istat Membru fuq skond medju.

Il-Kummissjoni tista' wkoll tipprepara rapport jekk, minkejja s-sodisfazzjon tal-ħtiġiet li joħorġu mill-kriterji, tqis li hemm riskju ta' deficit eċċessiv fi Stat Membru.

4.   Il-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju stabbilit skond l-Artikolu III-192 għandu jifformula opinjoni dwar ir-rapport tal-Kummissjoni.

5.   Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li deficit eċċessiv fi Stat Membru jeżisti jew jista' jseħħ, għandha tindirizza opinjoni lill-Istat Membru konċernat u għandha tinforma l-Kunsill b'dan.

6.   Il-Kunsill għandu, fuq proposta mill-Kummissjoni, wara li jkun ikkunsidra kull osservazzjoni li l-Istat Membru konċernat jista' jixtieq li jagħmel u wara stima globali, jiddeċiedi jekk jeżistix deficit eċċessiv. F'dak il-każ għandu jadotta, mingħajr dewmien mhux ġustifikat, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Istat Membru konċernat biex dik is-sitwazzjoni tiġi fi tmiem f'perijodu stipulat. Bla ħsara għall-paragrafu 8, dawk ir-rakkomandazzjonijiet m'għandhomx ikunu magħmula pubbliċi.

Fil-kamp ta' l-applikazzjoni ta' dan il-paragrafu, l-Kunsill għandu jaġixxi mingħajr ma jieħu in kunsiderazzjoni l-vot tal-membru tal-Kunsill li jkun qed jirrappreżenta lill-Istat Membru konċernat.

Maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita bħala li hija ugwali għal mill-inqas 55 % tal-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw lil Stati Membri li flimkien jinkludu mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni ta' l-Istati Membri parteċipanti.

Minoranza li timblokka għandha tinkludi mill-inqas in-numru minimu ta' dawn il-membri l-oħra tal-Kunsill li jirrappreżentaw iktar minn 35 % tal-popolazzjoni ta' l-Istati Membri parteċipanti, u membru ieħor, u fin-nuqqas ta' dan, il-maġġoranza kwalifikata tkun meqjusa li nkisbet.

7.   Il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, għandu jadotta d-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet Ewropej previsti fil-paragrafi 8 sa 11.

Għandu jaġixxi mingħajr ma jieħu in kunsiderazzjoni l-vot tal-membru tal-Kunsill li jkun qed jirrappreżenta lill-Istat Membru konċernat.

Maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita bħala li hija ugwali għal mill-inqas 55 % tal-membri l-oħra tal-Kunsill li jirrappreżentaw lil Stati Membri li flimkien jinkludu mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni ta' l-Istati Membri parteċipanti.

Minoranza li timblokka għandha tinkludi mill-inqas in-numru minimu ta' dawn il-membri l-oħra tal-Kunsill li jirrappreżentaw iktar minn 35 % tal-popolazzjoni ta' l-Istati Membri parteċipanti, u membru ieħor, u fin-nuqqas ta' dan, il-maġġoranza kwalifikata tkun meqjusa li nkisbet.

8.   Meta jadotta deċiżjoni Ewropea li tistabbilixxi li ma kien hemm ebda azzjoni effettiva bħala tweġiba għar-rakkomandazzjonijiet tiegħu fil-perijodu stabbilit, il-Kunsill jista' jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu pubbliċi.

9.   Jekk Stat Membru jibqa' jonqos milli jdaħħal fil-prattika r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill, il-Kunsill jista' jadotta deċiżjoni Ewropea li tagħti notifika lill-Istat Membru biex jieħu, f'terminu ta' żmien speċifikat, miżuri għat-tnaqqis tad-deficit li huwa meqjus meħtieġ mill-Kunsill sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni.

F'dan il-każ, il-Kunsill jista' jitlob lill-Istat Membru konċernat biex jissottometti rapporti skond skeda ta' żmien speċifikata sabiex jiġu eżaminati l-isforzi ta' aġġustament ta' dak l-Istat Membru.

10.   Sakemm Stat Membru jonqos li jħares id-deċiżjoni Ewropea adottata skond il-paragrafu 9, il-Kunsill jista' jiddeċiedi li japplika jew, skond il-każ, jirrinforza miżura jew miżuri fost dawn li ġejjin:

a)

li jeħtieġ lill-Istat Membru konċernat biex jippubblika informazzjoni addizzjonali, li għandha tiġi speċifikata mill-Kunsill, qabel ma joħorġu l-bonds u t-titoli;

b)

li jistieden lill-Bank Ewropew ta' l-Investiment biex jerġa' jikkunsidra l-politika ta' self tiegħu lill-Istat Membru konċernat;

ċ)

li jeħtieġ lill-Istat Membru konċernat biex jagħmel depożitu li ma jrendix imgħax ta' ammont xieraq ma' l-Unjoni sakemm il-Kunsill jikkunsidra li d-deficit eċċessiv ġie korrett;

d)

li jimponi multi ta' ammont xieraq.

Il-President tal-Kunsill għandu jinforma lill-Parlament Ewropew bil-miżuri adottati.

11.   Il-Kunsill għandu jħassar xi uħud mill-miżuri jew il-miżuri kollha previsti fil-paragrafu 6 u fil-paragrafi 8 sa 10 jekk jikkunsidra li d-deficit eċċessiv fl-Istat Membru konċernat ikun ġie korrett. Jekk il-Kunsill ikun, qabel, għamel rakkomandazzjonijiet pubbliċi, għandu jiddikjara pubblikament, malli d-deċiżjoni Ewropea prevista fil-paragrafu 8 tkun ġiet irrevokata, li ma jeżistix iktar deficit eċċessiv fl-Istat Membru konċernat.

12.   Id-drittijiet biex isiru r-rikorsi previsti fl-Artikoli III-360 u III-361 ma jistgħux jiġu eżerċitati fil-kwadru tal-paragrafi 1 sa 6, 8 u 9.

13.   Disposizzjonijiet oħra dwar l-implimentazzjoni tal-proċedura prevista f'dan l-Artikolu huma stabbiliti fil-Protokoll dwar il-proċedura għad-deficit eċċessiv.

Liġi Ewropea tal-Kunsill għandha tistabbilixxi l-miżuri xierqa biex jissostitwixxu l-imsemmi Protokoll. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u mal-Bank Ċentrali Ewropew.

Bla ħsara għad-disposizzjonijiet l-oħra ta' dan il-paragrafu, l-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta regolamenti jew deċiżjonijiet Ewropej li jistabbilixxu regoli u definizjonijiet dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-imsemmi Protokoll. Għandu jaġixxi wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew.

SEZZJONI 2

POLITIKA MONETARJA

Artikolu III-185

1.   L-għan prinċipali tas-Sistema Ewropea ta' Banek ċentrali hu li tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet. Bla preġudizzju għal dan il-għan, is-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali għandha ssostni l-linji ta' politika ekonomika ġenerali fl-Unjoni biex tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet tagħha kif stipulati fl-Artikolu I-3. Is-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali għandha tagixxi skond il-prinċipju ta' ekonomija ta' suq miftuħ b'kompetizzjoni libera, li tiffavorixxi l-allokazzjoni effiċjenti ta' riżorsi, u skond il-prinċipji previsti fl-Artikolu III-177.

2.   Il-kompiti fundamentali li għandhom jitwettqu fis-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali għandhom ikunu:

a)

li tiġi definita u implimentata l-politika monetarja ta' l-Unjoni;

b)

li jiġu mwettqa operazzjonijiet ta' kambju konsistenti ma' l-Artikolu III-326;

ċ)

li jinżammu u jiġu amministrati r-riżervi barranin uffiċjali ta' l-Istati Membri;

d)

li tiġi promossa l-operazzjoni bla xkiel tas-sistemi ta' pagament.

3.   Il-paragrafu 2(ċ) għandu jkun bla preġudizzju għaż-żamma u l-amministrazzjoni ta' bilanċi operattivi ta' kambju mill-gvernijiet ta' l-Istati Membri.

4.   Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jiġi kkonsultat:

a)

dwar kull att propost ta' l-Unjoni fl-oqsma ta' setgħat tiegħu;

b)

minn awtoritajiet nazzjonali fir-rigward ta' kull abbozz ta' disposizzjoni leġislattiva fl-oqsma ta' setgħat tiegħu, imma fil-limiti u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu III-187(4).

Il-Bank Ċentrali Ewropew jista' jissottometti opinjonijiet lill-istituzzjonijiet, il-korpi jew l-aġenziji ta' l-Unjoni jew lil awtoritajiet nazzjonali dwar kwistjonijiet fl-oqsma ta' setgħat tiegħu.

5.   Is-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali għandha tikkontribwixxi għall-kondotta bla xkiel ta' politika mwettqa minn awtoritajiet kompetenti li għandhom x'jaqsmu mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.

6.   Liġi Ewropea tal-Kunsill tista' tagħti lill-Bank Ċentrali Ewropew kompiti speċifiċi li jikkonċernaw politika dwar is-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji oħra bl-eċċezzjoni ta' impriżi ta' l-assigurazzjoni. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u mal-Bank Ċentrali Ewropew.

Artikolu III-186

1.   Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu d-dritt esklużiv li jawtorizza l-ħruġ ta' karti tal-flus euro fl-Unjoni. Il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu joħorġu dawn il-karti. Il-karti tal-flus maħruġa mill-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali biss għandhom valuta legali fl-Unjoni.

2.   L-Istati Membri jistgħu joħorġu muniti euro suġġett għall-approvazzjoni mill-Bank Ċentrali Ewropew tal-volum tal-ħruġ.

Il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jadotta regolamenti Ewropej li jistabbilixxu miżuri għall-armonizzazzjoni tad-denominazzjonijiet u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-muniti kollha maħsuba għal ċirkolazzjoni sal-limitu meħtieġ biex tkun permessa ċ-ċirkolazzjoni bla xkiel fl-Unjoni. Il-Kunsill għandu jaġixxi wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u l-Bank Ċentrali Ewropew.

Artikolu III-187

1.   Is-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali għandha tkun regolata mill-korpi deċiżjonali tal-Bank Ċentrali Ewropew, li għandhom ikunu l-Kunsill Regolatorju u l-Bord Eżekuttiv.

2.   L-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali huwa stabbilit fil-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u l-Bank Ċentrali Ewropew.

3.   L-Artikolu 5(1), (2) u (3), l-Artikoli 17 u 18, l-Artikolu 19(1), l-Artikoli 22, 23, 24 u 26, l-Artikolu 32(2), (3), (4) u (6), l-Artikolu 33(1)(a) u l-Artikolu 36 ta' l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew jistgħu jiġu emendati b'liġi Ewropea:

a)

kemm fuq proposta mill-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew;

b)

kif ukoll fuq rakkomandazzjoni mill-Bank Ċentrali Ewropew u wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni.

4.   Il-Kunsill għandu jadotta r-regolamenti u d-deċiżjonijiet Ewropej li jistabbilixxu l-miżuri previsti fl-Artikolu 4, l-Artikolu 5(4), l-Artikolu 19(2), l-Artikolu 20, l-Artikolu 28(1), l-Artikolu 29(2), l-Artikolu 30(4), u l-Artikolu 34(3) ta' l-Istatut tas-Sistema ta' Banek Ċentrali Ewropej u tal-Bank Ċentrali Ewropew. Għandu jaġixxi wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew.

a)

jew fuq proposta mill-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew;

b)

jew fuq rakkomandazzjoni mill-Bank Ċentrali Ewropew u wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni.

Artikolu III-188

Meta jeżerċitaw il-poteri u jwettqu l-kompiti u d-dmirijiet mogħtija lilhom mill-Kostituzzjoni u mill-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, la l-Bank Ċentrali Ewropew, la bank ċentrali nazzjonali, u lanqas kwalunkwe membru tal-korpi deċiżjonali tagħhom m'għandhom ifittxu jew jieħdu struzzjonijiet minn istituzzjonijiet, korpi jew aġenziji ta' l-Unjoni, minn kwalunkwe gvern ta' Stat Membru jew minn xi korp ieħor. L-istituzzjonijiet, il-korpi jew l-aġenziji ta' l-Unjoni u l-gvernijiet ta' l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom li jirrispettaw dan il-prinċipju u li ma jfittxux li jinfluwenzaw membri tal-korpi deċiżjonali tal-Bank Ċentrali Ewropew jew tal-banek ċentrali nazzjonali fil-qadi tad-dmirijiet tagħhom.

Artikolu III-189

Kull Stat Membru għandu jassigura li l-leġislazzjoni nazzjonali tiegħu, inklużi l-istatuti tal-bank ċentrali nazzjonali tiegħu, tkun kompatibbli mal-Kostituzzjoni u l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew.

Artikolu III-190

1.   Sabiex iwettaq il-kompiti mogħtija lis-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali, l-Bank Ċentrali Ewropew għandu, skond il-Kostituzzjoni u taħt il-kondizzjonijiet previsti fl-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, jadotta:

a)

regolamenti Ewropej sa fejn meħtieġ biex jiġu implimentati l-kompiti definiti fl-Artikolu 3(1)(a), l-Artikolu 19(1), l-Artikolu 22 u l-Artikolu 25(2) ta' l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew u f'każijiet li għandhom jiġu stabbiliti fir-regolamenti u d-deċiżjonijiet Ewropej kif previst fl-Artikolu III-187(4);

b)

deċiżjonijiet Ewropej meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti mogħtija lis-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali taħt il-Kostituzzjoni u l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew;

ċ)

rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet.

2.   Il-Bank Ċentrali Ewropew jista' jiddeċiedi li jippubblika d-deċiżjonijiet Ewropej, ir-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet tiegħu.

3.   Il-Kunsill għandu, taħt il-proċedura stabbilita fl-Artikolu III-187(4), jadotta r-regolamenti Ewropej li jistabbilixxu l-limiti u l-kondizzjonijiet li taħthom il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jkun intitolat li jimponi ammendi jew penali għal dewmien fuq impriżi għal nuqqas ta' ħarsien ta' l-obbligi taħt ir-regolamenti u d-deċiżjonijiet Ewropej tiegħu.

Artikolu III-191

Mingħajr preġudizzju għall-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew, liġi jew liġi kwadru Ewropea għandha tistabbilixxi l-miżuri meħtieġa għall-użu tal-euro bħala l-munita unika. Din il-liġi jew liġi kwadru għandha tkun adottata wara konsultazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew.

SEZZJONI 3

DISPOŻIZZJONIJIET ISTITUZZJONALI

Artikolu III-192

1.   Sabiex tiġi promossa l-kordinazzjoni tal-politika ta' Stati Membri sa fejn hu meħtieġ għall-funzjonament tas-suq intern, Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju huwa hawn stabbilit.

2.   Il-Kumitat għandu d-dmirijiet li ġejjin:

a)

li jagħti opinjonijiet fuq talba tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni, jew fuq l-inizjattiva tiegħu, lil dawk l-istituzzjonijiet;

b)

li jżomm taħt reviżjoni s-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja ta' l-Istati Membri u ta' l-Unjoni u li jirrapporta dwarha regolarment lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, b'mod partikolari fir-rigward ta' relazzjonijiet finanzjarji ma' pajjiżi terzi u istituzzjonijiet internazzjonali;

ċ)

mingħajr preġudizzju għall-Artikolu III-344, li jikkontribwixxi għall-preparazzjoni tax-xogħol tal-Kunsill imsemmi fl-Artikolu III-159, l-Artikolu III-179(2), (3), (4) u (6), l-Artikoli III-180, III-183 u III-184, l-Artikolu III-185(6), l-Artikolu III-186(2), l-Artikolu III-187(3) u (4), l-Artikoli III-191 u III-196, l-Artikolu III-198(2) u (3), l-Artikolu III-201, l-Artikolu III-202(2) u (3) u l-Artikoli III-322 u III-326, u li jwettaq kompiti oħra konsultattivi u preparatorji mogħtija lilu mill-Kunsill;

d)

li jeżamina, ta' l-anqas darba fis-sena, s-sitwazzjoni dwar il-moviment ta' kapital u l-libertà ta' pagamenti, kif jirriżultaw mill-applikazzjoni ta' din il-Kostituzzjoni u l-atti ta' l-Unjoni; l-eżami għandu jkopri l-miżuri kollha dwar movimenti ta' kapital u pagamenti; il-Kumitat għandu jirrapporta lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar ir-riżultat ta' dan l-eżami.

L-Istati Membri, l-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew għandhom, kull wieħed u waħda minnhom, jaħtru mhux iktar minn żewġ membri tal-Kumitat.

3.   Il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta deċiżjoni Ewropea li tistabbilixxi disposizzjonijiet dettaljati dwar il-komposizzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju. Għandu jaġixxi wara konsultazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew u mal-Kumitat. Il-President tal-Kunsill għandu jinforma lill-Parlament Ewropew bid-deċiżjoni adottata.

4.   Minbarra d-dmirijiet previsti fil-paragrafu 2, jekk u sakemm hemm Stati Membri b'deroga kif previst fl-Artikolu III-197, il-Kumitat għandu jżomm taħt reviżjoni s-sitwazzjoni monetarja u finanzjarja u s-sistema ta' pagamenti ġenerali ta' dawk l-Istati Membri u jirrapporta regolarment lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar il-kwistjoni.

Artikolu III-193

Għall-kwistjonijiet fil-kamp ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu III-179(4), l-Artikolu III-184 bl-eċċezzjoni tal-paragrafu 13, l-Artikoli III-191 u III-196, l-Artikolu III-198(3) u l-Artikolu III-326, il-Kunsill jew Stat Membru jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex tagħmel rakkomandazzjoni jew proposta, skond il-każ. Il-Kummissjoni għandha teżamina din it-talba u tissottometti l-konklużjonijiet tagħha lill-Kunsill mingħajr dewmien.

SEZZJONI 4

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI GĦALL-ISTATI MEMBRI LI L-MUNITA TAGĦHOM HIJA L-EURO

Artikolu III-194

1.   Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb ta' l-unjoni ekonomika u monetarja, u skond id-disposizzjonijiet rilevanti tal-Kostituzzjoni, l-Kunsill għandu, skond il-proċedura rilevanti minn fost dawk previsti fl-Artikoli III-179 u III-184, bl-eċċezzjoni tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 184(13), jadotta miżuri speċifiċi għal dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro:

a)

biex tissaħħaħ il-kordinazzjoni u s-sorveljanza tad-dixxiplina tal-budget tagħhom;

b)

biex jiġu stabbiliti linji gwida ta' politika ekonomika għalihom, waqt li jkun assigurat li huma kompatibbli ma' dawk adottati għall-Unjoni kollha u jinżammu taħt sorveljanza.

2.   Għal dawk il-miżuri stabbiliti fil-paragrafu 1, għandhom jieħdu sehem fil-vot biss membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

Maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita bħala li hija ugwali għal mill-inqas 55 % ta' dawn il-Membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw lil Stati Membri li flimkien jinkludu mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni ta' dawn l-Istati.

Minoranza li timblokka għandha tinkludi mill-inqas in-numru minimu ta' dawn il-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw iktar minn 35 % tal-popolazzjoni ta' l-Istati Membri parteċipanti, u membru ieħor, u fin-nuqqas ta' dan, il-maġġoranza kwalifikata tkun meqjusa li nkisbet.

Artikolu III-195

Arranġamenti għal laqgħat bejn ministri ta' dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom jiġu stabbiliti mill-Protokoll dwar il-Grupp tal-euro.

Artikolu III-196

1.   Sabiex jiġi assigurat il-post tal-euro fis-sistema monetarja internazzjonali, l-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta deċiżjoni Ewropea li tistabbilixxi posizzjonijiet komuni dwar materji ta' interess partikolari għall-unjoni ekonomika u monetarja fl-istituzzjonijiet u f'konferenzi finanzjarji internazzjonali kompetenti. Il-Kunsill għandu jaġixxi wara li jikkonsulta mal-Bank Ċentrali Ewropew.

2.   Il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jadotta miżuri xierqa sabiex jassigura rappreżentazzjoni unifikata fl-istituzzjonijiet u f'konferenzi finanzjarji internazzjonali. Il-Kunsill għandu jaġixxi wara li jikkonsulta mal-Bank Ċentrali Ewropew.

3.   Għall-miżuri previsti fil-paragrafi 1 u 2, għandhom jieħdu sehem fil-vot biss membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

Maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita bħala li hija ugwali għal mill-inqas 55 % ta' dawn il-Membri tal-Kunsill, li jirrappreżentaw lil Stati Membri li flimkien jinkludu mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni ta' dawn l-Istati.

Minoranza li timblokka għandha tinkludi mill-inqas in-numru minimu ta' dawn il-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw iktar minn 35 % tal-popolazzjoni ta' l-Istati Membri parteċipanti, u membru ieħor, u fin-nuqqas ta' dan, il-maġġoranza kwalifikata tkun meqjusa li nkisbet

SEZZJONI 5

DISPOŻIZZJONIJIET TRANSITORJI

Artikolu III-197

1.   Stati Membri li dwarhom il-Kunsill ikun iddeċieda li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro għandhom minn issa 'l quddiem jiġu magħrufa bħala “Stati Membri b'deroga”.

2.   Id-disposizzjonijiet tal-Kostituzzjoni li ġejjin m'għandhomx japplikaw għal Stati Membri b'deroga:

a)

l-adozzjoni tal-partijiet tal-linji gwida ġenerali ta' politika ekonomika li jikkonċernaw iż-żona tal-euro in ġenerali (Artikolu III-179(2));

b)

mezzi vinkolanti ta' rimedju għal deficit eċċessivi (Artikolu III-184(9) u (10));

ċ)

l-għanijiet u l-kompiti tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (Artikolu III-185(1), (2), (3) u (5));

d)

l-emissjoni tal-euro (Artikolu III-186);

e)

l-atti tal-Bank Ċentrali Ewropew (Artikolu III-190);

f)

il-miżuri li jirregolaw l-użu tal-euro (Artikolu III-191);

g)

il-ftehim monetarju u miżuri oħra dwar il-politika tar-rata tal-kambju (Artikolu III-326);

h)

il-ħatra ta' membri tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (Artikolu III-382(2));

i)

deċiżjonijiet Ewropej li jistabbilixxu posizzjonijiet komuni dwar kwistjonijiet ta' interess partikolari għall-unjoni ekonomika u monetarja fl-istituzzjonijiet u f'konferenzi finanzjarji internazzjonali kompetenti (Artikolu III-196(1));

j)

miżuri li jiżguraw rappreżentanza unifikata fl-istituzzjonijiet u f'konferenzi finanzjarji internazzjonali (Artikolu III-196(2)).

Fl-Artikoli previsti fil-punti (a) sa (j), “Stati Membri” għandha għalhekk tfisser Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

3.   Taħt il-Kapitolu IX ta' l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, Stati Membri b'deroga u l-banek ċentrali nazzjonali tagħhom huma esklużi mid-drittijiet u l-obbligi fis-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali.

4.   Id-drittijiet tal-vot ta' membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw Stati Membri b'deroga għandhom jiġu sospiżi għall-adozzjoni mill-Kunsill tal-miżuri previsti fl-Artikoli elenkati fil-paragrafu 2, u fil-każijiet li ġejjin:

a)

rakkomandazzjonijiet magħmulin lil dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro fil-qafas ta' sorveljanza multilaterali, inklużi dwar il-programmi ta' stabbiltà u twissijiet (Artikolu III-179(4));

b)

miżuri dwar deficit eċċessiv li jikkonċernaw lil dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (Artikolu III-184(6), (7), (8) u (11)).

Maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita bħala li hija ugwali għal mill-inqas 55 % tal-membri l-oħra tal-Kunsill, li jirrappreżentaw lil Stati Membri li flimkien jinkludu mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni ta' l-Istati Membri parteċipanti.

Minoranza li timblokka għandha tinkludi mill-inqas in-numru minimu ta' dawn il-membri l-oħra tal-Kunsill li jirrappreżentaw iktar minn 35 % tal-popolazzjoni ta' l-Istati Membri parteċipanti, u membru ieħor, u fin-nuqqas ta' dan, il-maġġoranza kwalifikata tkun meqjusa li nkisbet.

Artikolu III-198

1.   Mill-inqas darba kull sentejn, jew fuq it-talba ta' Stat Membru b'deroga, l-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew għandhom jirrapportaw lill-Kunsill dwar il-progress magħmul mill-Istati Membri b'deroga fit-twettiq ta' l-obbligi tagħhom dwar il-kisba ta' l-unjoni ekonomika u monetarja. Dawn ir-rapporti għandhom jinkludu eżami tal-kompatibilità bejn il-leġislazzjoni nazzjonali ta' kull wieħed minn dawn l-Istati Membri, inklużi l-istatuti tal-bank ċentrali nazzjonali tiegħu, u l-Artikoli III-188 u III-189 u l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew. Ir-rapporti għandhom ukoll jeżaminaw jekk ikunx intlaħaq grad għoli ta' konverġenza sostenibbli, billi janalizzaw sa fejn kull wieħed minn dawn l-Istati Membri jkun issodisfa l-kriterji li ġejjin:

a)

li jintlaħaq livell għoli ta' stabbiltà fil-prezzijiet; dan jirriżulta minn rata ta' inflazzjoni li tixbaħ lil dik tat-tliet Stati Membri li jkunu qed imorru l-aħjar f'dik li hija l-istabbiltà fil-prezzijiet;

b)

posizzjoni finanzjarja sostenibbli tal-Gvern; dan jirriżulta meta tkun inkisbet posizzjoni tal-budget mingħajr deficit eċċessiv kif stabbilit skond l-Artikolu III-184(6);

ċ)

l-osservanza tal-marġini normali ta' varjazzjoni previsti mill-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju tas-sistema monetarja Ewropea, għal mill-inqas sentejn, mingħajr żvalutazzjoni kontra l-euro;

d)

it-tul ta' żmien tal-konverġenza milħuqa mill-Istat Membru b'deroga u tal-parteċipazzjoni tiegħu fil-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju, riflessi fil-livelli ta' rata ta' imgħax fuq terminu twil.

L-erba' kriterji previsti f'dan il-paragrafu u l-perijodi rilevanti li tulhom għandhom jiġu rispettati huma żviluppati aktar fil-Protokoll dwar il-kriterji ta' konverġenza. Ir-rapporti mill-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew għandhom ukoll jieħdu in kunsiderazzjoni r-riżultati ta' l-integrazzjoni tas-swieq, tas-sitwazzjoni u l-iżvilupp tal-bilanċi tal-pagamenti fuq il-kont kurrenti u ta' eżami ta' l-iżvilupp ta' spejjeż unitarji tax-xogħol u ta' indiċi oħrajn tal-prezzijiet.

2.   Wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u wara diskussjoni fil-Kunsill Ewropew, il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta deċiżjoni Ewropea li tistabbilixxi liema Stati Membri b'deroga jissodisfaw il-kondizzjonijiet meħtieġa fuq bażi tal-kriterji previsti fil-paragrafu 1 u għandu jtemm id-derogi ta' l-Istati Membri konċernati.

Il-Kunsill għandu jaġixxi wara li jirċievi rakkomandazzjoni minn maġġoranza kwalifikata ta' dawk fost il-membri tiegħu li jirrappreżentaw Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. Dawn il-membri għandhom jaġixxu fi żmien sitt xhur minn meta l-Kunsill jirċievi l-proposta tal-Kummissjoni.

Il-maġġoranza kwalifikata prevista fit-tieni subparagrafu għandha tkun definita bħala li hija ugwali għal mill-inqas 55 % tal-membri tal-Kunsill, li jirrappreżentaw Stati Membri li flimkien jinkludu mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni ta' l-Istati Membri parteċipanti. Minoranza li timblokka għandha tinkludi mill-inqas in-numru minimu ta' dawn il-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw iktar minn 35 % tal-popolazzjoni ta' l-Istati Membri parteċipanti, u membru ieħor, u fin-nuqqas ta' dan, il-maġġoranza kwalifikata tkun meqjusa li nkisbet.

3.   Jekk jiġi deċiż, skond il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 2, li tiġi mitmuma deroga, l-Kunsill għandu, fuq proposta mill-Kummissjoni, jadotta r-regolamenti jew deċiżjonijiet Ewropej li irrevokabbilment jiffissaw ir-rata li biha l-euro għandu jiġi sostitwit għall-munita ta' l-Istat Membru konċernat, u li jistabbilixxu miżuri oħra meħtieġa għall-introduzzjoni tal-euro bħala l-munita unika f'dak l-Istat Membru. Il-Kunsill għandu jaġixxi bil-ftehim unanimu tal-membri li jirrappreżentaw Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u l-Istat Membru konċernat, wara li jikkonsulta mal-Bank Ċentrali Ewropew.

Artikolu III-199

1.   Jekk u sakemm ikun hemm Stati Membri b'deroga, u bla preġudizzju għall-Artikolu III-187(1), il-Kunsill Ġenerali tal-Bank Ċentrali Ewropew previst fl-Artikolu 45 ta' l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew għandu jiġi kkostitwit bħala t-tielet korp deċiżjonali tal-Bank Ċentrali Ewropew.

2.   Jekk u sakemm ikun hemm Stati Membri b'deroga, l-Bank Ċentrali Ewropew għandu, fir-rigward ta' dawk l-Istati Membri:

a)

isaħħaħ il-koperazzjoni bejn il-banek ċentrali nazzjonali;

b)

isaħħaħ il-kordinazzjoni tal-politika monetarja ta' l-Istati Membri, bl-iskop li tiġi assigurata stabbilità fil-prezzijiet;

ċ)

jikkontrolla l-funzjonament tal-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju;

d)

ikollu konsultazzjonijiet dwar kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-banek ċentrali nazzjonali u li jolqtu l-istabbiltà ta' istituzzjonijiet u swieq finanzjarji;

e)

iwettaq il-kompiti li kellu qabel il-Fond Ewropew ta' Koperazzjoni Monetarja illi wara kienu ttieħdu mill-Istitut Monetarju Ewropew.

Artikolu III-200

Kull Stat Membru b'deroga għandu jittratta l-politika tar-rata tal-kambju tiegħu bħala kwistjoni ta' interess komuni. Waqt li jagħmel hekk, għandu jieħu in kunsiderazzjoni l-esperjenza miksuba b'riżultat tal-koperazzjoni fil-qafas tal-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju.

Artikolu III-201

1.   Meta Stat Membru b'deroga jkollu diffikultajiet jew ikun mhedded b'mod serju b'diffikultajiet fir-rigward tal-bilanċ tal-pagamenti tiegħu jew bħala riżultat ta' skwilibriju ġenerali fil-bilanċ tal-pagamenti tiegħu, jew bħala riżultat tat-tip ta' muniti għad-disposizzjoni tiegħu, u meta dawn id-diffikultajiet b'mod partikolari x'aktarx jipperikolaw il-funzjonament tas-suq intern jew l-implimentazzjoni tal-politika kummerċjali komuni, l-Kummissjoni għandha immedjatament tinvestiga l-posizzjoni ta' l-Istat in kwistjoni u l-azzjoni li, bl-użu tal-mezzi kollha għad-disposizzjoni tiegħu, dak l-Istat ikun ħa jew jista' jieħu skond il-Kostituzzjoni. Il-Kummissjoni għandha tiddikjara liema miżuri tirrakkomanda li l-Istat Membru konċernat għandu jadotta.

Jekk l-azzjoni meħuda minn Stat Membru b'deroga u l-miżuri suġġeriti mill-Kummissjoni ma jkunux biżżejjed biex jegħlbu d-diffikultajiet li jkunu nħolqu jew li jistgħu jinħolqu, l-Kummissjoni għandha, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, tirrakkomanda lill-Kunsill l-għoti ta' għajnuna reċiproka u metodi xierqa.

Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Kunsill regolarment infurmat bis-sitwazzjoni u b'kif din tevolvi.

2.   Il-Kunsill għandu jadotta regolamenti jew deċiżjonijiet Ewropej li jagħtu din l-għajnuna reċiproka u jiffissaw il-kondizzjonijiet u d-dettalji tagħha. L-għajnuna reċiproka tista' tieħu l-forma ta':

a)

azzjoni konċertata fi kwalunkwe organizzazzjoni internazzjonali oħra li għaliha l-Istati Membri b'deroga ikollhom id-dritt li jirrikorru;

b)

miżuri meħtieġa sabiex tiġi evitata devjazzjoni tal-kummerċ meta l-Istat Membru b'deroga, li jkun f'diffikultajiet, iżomm jew jerġa' jdaħħal restrizzjonijiet kwantitattivi kontra pajjiżi terzi;

ċ)

l-għoti ta' krediti limitati minn Stati Membri oħra, soġġett għall-kunsens tagħhom.

3.   Jekk l-għajnuna reċiproka rakkomandata mill-Kummissjoni ma tingħatax mill-Kunsill jew jekk l-għajnuna reċiproka mogħtija u l-miżuri meħuda mhumiex biżżejjed, il-Kummissjoni għandha tawtorizza l-Istat Membru b'deroga, li hu f'diffikultajiet, biex jieħu miżuri protettivi, li l-kondizzjonijiet u d-dettalji tagħhom għandha tiddeterminahom il-Kummissjoni.

Din l-awtorizzazzjoni tista' tiġi revokata u dawn il-kondizzjonijiet u d-dettalji jistgħu jinbidlu mill-Kunsill.

Artikolu III-202

1.   Meta titfaċċa kriżi f'daqqa fil-bilanċ tal-pagamenti u jekk ma tiġix immedjatament adottata deċiżjoni Ewropea prevista fl-Artikolu III-201(2), Stat Membru b'deroga jista', bħala prekawzjoni, jieħu l-miżuri ta' salvagwardja meħtieġa. Dawn il-miżuri għandhom jikkawżaw l-inqas disturb possibbli lill-funzjonament tas-suq intern u m'għandhomx ikunu iktar wiesa' fil-kamp ta' l-applikazzjoni tagħhom milli hu strettament meħtieġ biex jiġu rimedjati d-diffikultajiet li jkunu nħolqu f'daqqa.

2.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra għandhom jiġu nformati b'dawn il-miżuri ta' salvagwardja previsti fil-paragrafu 1 sa mhux iktar tard minn meta jibdew iseħħu. Il-Kummissjoni tista' tirrakkomanda lill-Kunsill l-għoti ta' għajnuna reċiproka taħt l-Artikolu III-201.

3.   Il-Kunsill, li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, jista' jadotta deċiżjoni Ewropea li tistipula li l-Istat Membru konċernat għandu jemenda, jissospendi jew jabolixxi l-miżuri ta' salvagwardja previsti fil-paragrafu 1.

KAPITOLU III

POLITIKA F'OQSMA OĦRA

SEZZJONI 1

IMPJIEG

Artikolu III-203

L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, skond din is-Sezzjoni, jaħdmu lejn l-iżvilupp ta' strateġija kordinata għall-qasam ta' l-impjiegi u partikolarment għall-promozzjoni ta' forza tax-xogħol li tkun speċjalizzata, mħarrġa u adattabbli u ta' swieq tax-xogħol kapaċi jirrispondu għal bidliet ekonomiċi bl-iskop li jintlaħqu l-għanijiet definiti fl-Artikolu I-3.

Artikolu III-204

1.   L-Istati Membri, permezz tal-politika tagħhom dwar l-impjiegi, għandhom jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-miri previsti fl-Artikolu III-203 b'mod konsistenti mal-linji gwida ġenerali tal-politika ekonomika ta' l-Istati Membri u ta' l-Unjoni adottati skond l-Artikolu III-179(2).

2.   L-istati membri, filwaqt li jqisu l-prattiċi nazzjonali marbuta mar-responsabbiltajiet tas-sħab soċjali, għandhom iqisu l-promozzjoni ta' l-impjiegi bħala kwistjoni ta' interess komuni u għandhom jikkordinaw l-azzjoni tagħhom f'dan ir-rigward fil-kunsill, skond l-artikolu III-206.

Artikolu III-205

1.   L-Unjoni għandha tikkontribwixxi għal livell għoli ta' impjiegi billi tinkoraġġixxi koperazzjoni bejn Stati Membri u billi tappoġġa u, jekk meħtieġ, tikkumplimenta l-azzjoni tagħhom. B'hekk il-kompetenzi ta'l-Istati Membri għandhom jiġu rispettati.

2.   L-għan ta' livell għoli ta' impjieg għandu jiġi kkunsidrat fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal- politika u l-attivitajiet ta' l-Unjoni.

Artikolu III-206

1.   Kull sena l-Kunsill Ewropew għandu jikkunsidra s-sitwazzjoni ta' l-impjiegi fl-Unjoni u jadotta konklużjonijiet dwarha, fuq bażi ta' rapport annwali konġunt magħmul mill-Kunsill u mill-Kummissjoni.

2.   Fuq bażi tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, kull sena l-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta linji gwida li l-Istati Membri għandhom jieħdu in kunsiderazzjoni fil-politika tagħhom dwar l-impjiegi. Għandu jaġixxi wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, mal-Kumitat tar-Reġjuni, mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u mal-Kumitat ta' l-Impjiegi.

Dawn il-linji gwida għandhom ikunu koerenti mal-linji gwida ġenerali adottati skond l-Artikolu III-179(2).

3.   Kull Stat Membru għandu jipprovdi lill-Kunsill u lill-Kummissjoni b'rapport annwali dwar il-miżuri prinċipali meħuda għall-implimentazzjoni tal-politika tiegħu dwar l-impjiegi fid-dawl tal-linji gwida għall-impjiegi kif previsti fil-paragrafu 2.

4.   Kull sena l-Kunsill, fuq bażi tar-rapporti previsti fil-paragrafu 3 u wara li jkun irċieva l-opinjonijiet tal-Kumitat ta' l-Impjiegi, għandu jagħmel eżami ta' l-implimentazzjoni tal-politika dwar l-impjiegi ta' l-Istati Membri fid-dawl tal-linji gwida għall-impjiegi. Il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, jista' jadotta rakkomandazzjonijiet li għandu jindirizza lill-Istati Membri.

5.   Fuq bażi tar-riżultati ta' dak l-eżami, l-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jagħmlu rapport annwali konġunt lill-Kunsill Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-qasam ta' l-impjiegi u dwar l-implimentazzjoni tal-linji gwida għall-impjiegi.

Artikolu III-207

Il-liġi jew il-liġi kwadru Ewropea Ewropea tista' tistabbilixxi miżuri maħsuba biex jinkoraġġixxu l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri u biex isostnu l-azzjoni tagħhom fil-qasam ta' l-impjiegi permezz ta' inizjattivi maħsuba biex jiżviluppaw skambji ta' informazzjoni u l-aħjar prattika, biex jipprovdu analiżi komparattiva u konsultazzjoni kif ukoll biex jippromwovu approċċi innovattivi u biex jivvalutaw esperjenzi, b'mod partikolari bl-użu ta' proġetti pilota. Għandha tiġu adottata wara konsultazzjoni mal-Kumitat tar-Reġjuni u tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali.

Din il-liġi jew liġi kwadru Ewropea ma ġġibx magħha l-armonizzazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Istati Membri.

Artikolu III-208

Il-Kunsill għandu, b'maġġoranza sempliċi, jadotta deċiżjoni Ewropea li tistabbilixxi Kumitat ta' l-Impjiegi bi status konsultattiv sabiex jippromwovi kordinazzjoni bejn Stati Membri dwar politika ta' l-impjiegi u tas-suq tax-xogħol. Għandu jaġixxi wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew.

Ix-xogħol tal-Kumitat għandu jkun:

a)

li jikkontrolla s-sitwazzjoni fil-qasam ta' l-impjiegi u tal-politika dwar l-impjiegi fl-Unjoni u fl-Istati Membri;

b)

mingħajr preġudizzju għall-Artikolu III-344, li jifformula opinjonijiet fuq it-talba jew tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni jew fuq l-inizjattiva tiegħu stess, u li jikkontribwixxi għat-tħejjija tal-proċeduri tal-Kunsill previsti fl-Artikolu III-206.

Fit-twettiq tal-mandat tiegħu, l-Kumitat għandu jikkonsulta mas-sħab soċjali.

Kull Stat Membru u l-Kummissjoni għandhom jaħtru żewġ membri tal-Kumitat.

SEZZJONI 2

POLITIKA SOĊJALI

Artikolu III-209

L-Unjoni u l-Istati Membri, konxji mid-drittijiet soċjali fundamentali kif stabbiliti fil-Karta Soċjali Ewropea ffirmata f'Turin fit-18 ta' Ottubru 1961 u fil-Karta Komunitarja ta' l-1989 dwar id-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema, għandhom bħala l-għanijiet tagħhom il-promozzjoni ta' l-impjiegi, t-titjib tal-kondizzjonijiet ta' l-għixien u tax-xogħol, sabiex dawn jiġu ugwali filwaqt li jinżamm it-titjib tagħhom, il-protezzjoni soċjali xierqa, d-djalogu bejn is-sħab soċjali, l-iżvilupp ta' riżorsi umani li jġib miegħu livell għoli u dejjiemi ta' impjieg u l-ġlieda kontra l-esklużjoni.

Għal dan l-iskop l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jaġixxu waqt li jieħdu in kunsiderazzjoni d-diversità ta' prattiċi nazzjonali, b'mod partikolari fil-qasam ta' relazzjonijiet kontrattwali, u tal-bżonn li tinżamm il-kompetittività ta' l-ekonomija ta' l-Unjoni.

Huma jemmnu li dan l-iżvilupp ma jirriżultax biss mill-funzjonament tas-suq intern, li jiffavorixxi l-armonizzazzjoni ta' sistemi soċjali, imma wkoll mill-proċeduri previsti fil-Kostituzzjoni u mill-approssimazzjoni tad-disposizzjonijiet stabbiliti b'liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva ta' l-Istati Membri.

Artikolu III-210

1.   Bl-iskop li jintlaħqu l-miri ta' l-Artikolu III-209, l-Unjoni għandha ssostni u tikkumplimenta l-attivitajiet ta' l-Istati Membri fl-oqsma li ġejjin:

a)

it-titjib b'mod partikolari ta' l-ambjent tax-xogħol biex jipproteġi s-saħħa u s-sigurtà tal- ħaddiema;

b)

il-kondizzjonijiet tax-xogħol;

ċ)

is-sigurtà soċjali u l-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema;

d)

il-protezzjoni tal-ħaddiema meta l-kuntratt ta' l-impjieg tagħhom jiġi terminat;

e)

l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema;

f)

ir-rappreżentanza u d-difiża kollettiva ta' l-interessi tal-ħaddiema u ta' min iħaddem, inkluża l-ko-determinazzjoni, bla ħsara għall-paragrafu 6;

g)

il-kondizzjonijiet ta' l-impjieg għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fit-territorju ta' l-Unjoni;

h)

l-integrazzjoni ta' persuni esklużi mis-suq tax-xogħol, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu III-283;

i)

l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fir-rigward ta' opportunitajiet fis-suq tax-xogħol u t-trattament fuq ix-xogħol;

j)

il-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali;

k)

il-modernizzazzjoni ta' sistemi ta' protezzjoni soċjali mingħajr preġudizzju għall-punt (ċ).

2.   Għall-għanijiet tal-paragrafu 1:

a)

liġi jew ligi kwadru Ewropea tista' tistabbilixxi miżuri maħsuba biex jinkoraġgixxu koperazzjoni bejn Stati Membri permezz ta' inizjattivi maħsuba għat-titjib tat-tagħrif, l-iżvilupp ta' skambji ta' informazzjoni u l-aħjar prattika, l-promozzjoni ta' approċċi innovattivi u l-valutazzjoni ta' esperjenzi, bl-esklużjoni ta' kull armonizzazzjoni tal-liġijiet u regolamenti ta' l-Istati Membri;

b)

fl-oqsma previsti fil-paragrafu 1(a) sa (i), liġi kwadru Ewropea tista' tistabbilixxi l-ħtigijiet minimi għall-implimentazzjoni gradwali, billi jitqiesu l-kondizzjonijiet u r-regoli tekniċi preżenti f'kull wieħed mill-Istati Membri. Din il-liġi kwadru Ewropea għandha tevita li timponi kostrizzjonijiet amministrattivi, finanzjarji u legali b'tali mod li jżommu lura l-ħolqien u l-iżvilupp ta' impriżi żgħar u ta' daqs medju.

Fil-każijiet kollha, l-liġi jew il-liġi kwadru Ewropea għandha tiġi adottata wara konsultazzjoni mal-Kumitat tar-Reġjuni u mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali.

3.   B'deroga mill-paragrafu 2, fl-oqsma previsti fil-paragrafu 1(ċ), (d), (f) u (g), liġi jew liġi kwadru Ewropea għandha tiġi adottata mill-Kunsill b'mod unanimu wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, mal-Kumitat tar-Reġjuni u mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali.

Il-Kunsill jista', fuq proposta mill-Kummissjoni, jadotta deċiżjoni Ewropea li tagħmel il-proċedura ordinarja leġislattiva applikabbli għall-paragrafu 1(d), (f) u (g). Għandu jaġixxi b'mod unanimu wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew.

4.   Stat Membru jista' jafda f'idejn is-sħab soċjali, fuq talba konġunta tagħhom, l-implimentazzjoni tal-liġijiet kwadru Ewropej adottati skond il-paragrafi 2 u 3 jew, fejn xieraq, l-implimentazzjoni ta' regolamenti jew deċiżjonijiet Ewropej adottati skond l-Artikolu III-212.

F'dan il-każ, għandu jassigura li, sa mhux iktar tard mid-data li fiha liġi kwadru Ewropea għandha tiġi trasposta, jew li fiha regolament Ewropew jew deċiżjoni Ewropea għandhom jiġu implimentati, s-sħab soċjali jkunu daħħlu d-disposizzjonijiet meħtieġa bi ftehim, u l-Istat Membru konċernat ikun meħtieġ jieħu kull pass meħtieġ li jippermettilu li jkun, fi kwalunkwe żmien, f'posizzjoni li jiggarantixxi r-riżultati imposti b'dik il-liġi kwadru jew b'dak ir-regolament jew b'dik id-deċiżjoni.

5.   Il-liġijiet u l-liġijiet kwadru Ewropej adottati skond dan l-Artikolu:

a)

m'għandhomx jolqtu d-dritt ta' l-Istati Membri li jiddefinixxu l-prinċipji fundamentali tas-sistemi tas-sigurtà soċjali tagħhom u m'għandhomx jolqtu b'mod sinifikanti l-ekwilibriju finanzjarju ta' dawn is-sistemi;

b)

m'għandhomx irażżnu lil kwalunkwe Stat Membru milli jżomm fis-seħħ jew idaħħal miżuri protettivi iktar stretti u kompatibbli mal-Kostituzzjoni.

6.   Dan l-Artikolu m'għandux japplika għar-remunerazzjoni, għad-dritt ta' assoċjazzjoni, għad-dritt ta' strike jew għad-dritt għal lock-out.

Artikolu III-211

1.   Il-Kummissjoni għandha tippromwovi l-konsultazzjoni mas-sħab soċjali fuq il-livell ta' l-Unjoni u għandha tadotta kull miżura rilevanti biex tiffaċilita d-djalogu tagħhom billi tassigura sostenn ekwilibrat tal-partijiet.

2.   Għall-għanijiet tal-paragrafu 1, qabel ma tissottometti proposti fil-qasam tal-politika soċjali, l-Kummissjoni għandha tikkonsulta mas-sħab soċjali dwar id-direzzjoni possibbli ta' l-azzjoni ta' l-Unjoni.

3.   Jekk, wara l-konsultazzjoni prevista fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni tikkunsidra li hija mixtieqa azzjoni mill-Unjoni, għandha tikkonsulta mas-sħab soċjali dwar il-kontenut tal-proposta maħsuba. Is-sħab soċjali għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni opinjoni jew, meta jkun il-każ, rakkomandazzjoni.

4.   Meta jsiru l-konsultazzjonijiet previsti fil-paragrafi 2 u 3, is-sħab soċjali jistgħu jinfurmaw lill-Kummissjoni bix-xewqa tagħhom li jibdew il-proċess previst fl-Artikolu III-212. It-tul taż-żmien ta' dan il-proċess m'għandux jaqbeż id-disa' xhur, sakemm is-sħab soċjali konċernati u l-Kummissjoni ma jiddeċiedux flimkien li jtawwluh.

Artikolu III-212

1.   Jekk is-sħab soċjali jkunu jixtiequ, d-djalogu bejniethom fuq livell ta' l-Unjoni jista' jwassal għal relazzjonijiet kontrattwali, inklużi ftehim.

2.   Ftehim konkluż fuq livell ta' l-Unjoni għandu jiġi implimentat jew skond il-proċeduri u l-prattiċi speċifiċi għas-sħab soċjali u l-Istati Membri jew, fi kwistjonijiet koperti bl-Artikolu III-210, fuq it-talba konġunta tal-partijiet firmatarji, b'regolamenti jew deċiżjonijiet Ewropej adottati mill-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-Parlament Ewropew għandu jiġi infurmat.

Meta l-ftehim in kwistjoni jkun fih disposizzjoni waħda jew iktar li għandhom x'jaqsmu ma' wieħed mill-oqsma li għalihom hi meħtieġa unanimità skond l-Artikolu III-210(3), il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu.

Artikolu III-213

Bl-iskop li jintlaħqu l-miri ta' l-Artikolu III-209 u mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet l-oħra tal-Kostituzzjoni, l-Kummissjoni għandha tinkoraġġixxi koperazzjoni bejn l-Istati Membri u tiffaċilita l-kordinazzjoni ta' l-azzjoni tagħhom fl-oqsma kollha ta' politika soċjali taħt din is-Sezzjoni, partikolarment fi kwistjonijiet dwar:

a)

l-impjiegi;

b)

il-liġi tax-xogħol u l-kondizzjonijiet tax-xogħol;

ċ)

il-formazzjoni u l-perfezzjonament professjonali;

d)

is-sigurtà soċjali;

e)

il-prevenzjoni ta' inċidenti u mard assoċjati max-xogħol;

f)

l-indafa fuq il-post tax-xogħol;

g)

id-dritt ta' assoċjazzjoni u negozjar kollettiv bejn min iħaddem u l-ħaddiema.

Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha taġixxi f'kuntatt mill-qrib ma' l-Istati Membri billi tagħmel studji, tagħti opinjonijiet, u torganizza konsultazzjonijiet kemm f'dak li jirrigwarda l-problemi li jinħolqu fuq livell nazzjonali u kemm dawk li jikkonċernaw organizzazzjonijiet internazzjonali, b'mod partikolari inizjattivi li jimmiraw lejn l-istabbiliment ta' linji gwida u indikaturi, l-organizzazzjoni ta' skambju ta' l-aħjar prattika, u t-tħejjija ta' l-elementi meħtieġa għall-kontroll u l-valutazzjoni perjodiċi. Il-Parlament Ewropew għandu jinżamm kompletament infurmat.

Qabel ma tagħti l-opinjonijiet previsti f'dan l-Artikolu, l-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali.

Artikolu III-214

1.   Kull Stat Membru għandu jassigura li jkun applikat il-prinċipju ta' paga ugwali għal ħaddiema nisa u irġiel għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali.

2.   Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, “paga” tfisser il-paga jew is-salarju ordinarju bażiku jew minimu u kull remunerazzjoni oħra, kemm jekk fi flus jew in natura, li l-ħaddiem jirċievi direttament jew indirettament, fir-rigward ta' l-impjieg tiegħu, mingħand min jimpjegah.

Paga ugwali mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess tfisser:

a)

li dik il-paga għall-istess xogħol bl-imqietgħa għandha tiġi kkalkolata fuq bażi ta' l-istess unità ta' kejl;

b)

li l-paga għal xogħol imħallas bis-siegħa għandha tkun l-istess għall-istess impjieg.

3.   Il-liġi jew il-liġi kwadru Ewropea Ewropea għandha tistabbilixxi miżuri sabiex jassiguraw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet ugwali u trattament ugwali tan-nisa u l-irġiel fi kwistjonijiet ta' impjieg u xogħol, inkluż il-prinċipju ta' paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali. Għandha tiġi adottata wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali.

4.   Bl-għan li tiġi assigurata ugwaljanza sħiħa fil-prattika bejn nisa u irġiel fil-ħajja tax-xogħol, il-prinċipju ta' trattament ugwali m'għandux jipprevjeni lil xi Stat Membru milli jżomm fis-seħħ jew jadotta miżuri li jipprovdu għal vantaġgi speċifiċi sabiex tkun iktar faċli għas-sess l-inqas rappreżentat li jwettaq attività professjonali, jew li jipprevjeni jew li jikkumpensa għal żvantaġġi f'karrieri professjonali.

Artikolu III-215

Stati Membri għandhom jippruvaw iżommu fis-seħħ l-ekwivalenza eżistenti bejn skemi ta' btajjel imħallsa.

Artikolu III-216

Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport kull sena dwar il-progress fil-kisba tal-miri ta' l-Artikolu III-209, inkluża s-sitwazzjoni demografika fl-Unjoni. Għandha tgħaddi r-rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali.

Artikolu III-217

Il-Kunsill għandu, b'maġġoranza sempliċi, jadotta deċiżjoni Ewropea li tistabbilixxi Kumitat ta' Protezzjoni Soċjali bi status konsultattiv biex jippromwovi koperazzjoni dwar politika ta' protezzjoni soċjali bejn l-Istati Membri u mal-Kummissjoni. Il-Kunsill għandu jaġixxi wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew.

Ix-xogħol tal-Kumitat għandu jkun:

a)

li jikkontrolla s-sitwazzjoni fil-qasam soċjali u ta' l-iżvilupp ta' politika ta' protezzjoni soċjali fl-Istati Membri u fl-Unjoni;

b)

li jippromwovi skambju ta' informazzjoni, esperjenzi u prattika tajba bejn l-Istati Membri u mal-Kummissjoni;

ċ)

mingħajr preġudizzju għall-Artikolu III-344, li jipprepara rapporti, jifformula opinjonijiet jew jagħmel xogħol ieħor fl-oqsma ta' setgħat tiegħu, fuq it-talba tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni jew fuq l-inizjattiva tiegħu stess.

Fit-twettiq tal-mandat tiegħu, l-Kumitat għandu jistabbilixxi kuntatti xierqa mas-sħab soċjali.

Kull Stat Membru u l-Kummissjoni għandhom jaħtru żewġ membri tal-Kumitat.

Artikolu III-218

Il-Kummissjoni għandha tinkludi kapitolu separat dwar żviluppi soċjali fl-Unjoni fir-rapport annwali tagħha lill-Parlament Ewropew.

Il-Parlament Ewropew jista' jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal rapporti dwar xi problemi partikolari li jikkonċernaw il-kondizzjonijiet soċjali.

Artikolu III-219

1.   Sabiex jittejbu l-opportunitajiet ta' impjieg għall-ħaddiema fis-suq intern u sabiex b'hekk ikun hemm kontribut biex jogħla l-livell ta' l-għixien, qiegħed għalhekk jiġi hawn stabbilit Fond Soċjali Ewropew; huwa għandu l-għan li jħaffef l-impjieg tal-ħaddiema u li jżid il-mobbiltà ġeografika u professjonali tagħhom fi ħdan il-Komunità, u li jiffaċilita l-adattament tagħhom għal tibdiliet industrijali u tibdiliet fis-sistemi ta' produzzjoni, b'mod partikolari permezz ta' taħriġ vokazzjonali u taħriġ mill-ġdid.

2.   Il-Kummissjoni għandha tamministra l-Fond. Għandha tkun mgħejjuna f'dan il-kompitu minn Kumitat presedut minn Membru tal-Kummissjoni u kompost minn rappreżentanti ta' Stati Membri, ta' organizzazzjonijiet sindakali u ta' organizzazzjonijiet ta' min iħaddem.

3.   Il-liġi Ewropea għandha tistabbilixxi l-miżuri ta' implimentazzjoni li għandhom x'jaqsmu mal-Fond. Din għandha tiġi adottata wara konsultazzjoni mal-Kumitat tar-Reġjuni u tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali.

SEZZJONI 3

KOEŻJONI EKONOMIKA, SOĊJALI U TERRITORJALI

Artikolu III-220

Sabiex tippromwovi l-iżvilupp ġenerali armonjuż tagħha, l-Unjoni għandha tiżviluppa u twettaq l-azzjoni tagħha li twassal għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tagħha.

B'mod partikolari, l-Unjoni għandha timmira biex tnaqqas id-differenzi bejn il-livelli ta' żvilupp tad-diversi reġjuni u n-nuqqas ta' progress tar-reġjuni l-inqas vantaġġati.

Fost ir-reġjuni konċernati, għandha tingħata attenzjoni partikolari lil żoni rurali, lil żoni milquta minn transizzjoni industrijali, u lil reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti bħal per eżempju reġjuni estremi tat-tramuntana b'densità ta' popolazzjoni baxxa ħafna, u reġjuni ta' gżejjer, reġjuni transkonfinali u reġjuni muntanjużi.

Artikolu III-221

L-Istati Membri għandhom imexxu l-politika ekonomika tagħhom u jikkordinawha b'tali mod li jintlaħqu wkoll l-għanijiet previsti fl-Artikolu III-220. It-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika u l-azzjoni ta' l-Unjoni u l-implimentazzjoni tas-suq intern għandhom jieħdu in kunsiderazzjoni dawk l-għanijiet u għandhom jikkontribwixxu għat-twettiq tagħhom. L-Unjoni għandha wkoll tappoġġa t-twettiq ta' dawn l-għanijiet, bl-azzjoni li tieħu permezz tal-Fondi Strutturali (il-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija, Sezzjoni ta' Gwida; il-Fond Soċjali Ewropew; il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali), il-Bank ta' l-Investiment Ewropew u tal-bqija ta' l-istrumenti finanzjarji eżistenti.

Il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali kull tliet snin dwar il-progress magħmul biex tintlaħaq il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u dwar il-mod li bih il-mezzi varji previsti f'dan l-Artikolu ikkontribwew għaliha. Dan ir-rapport għandu, jekk hemm bżonn, ikollu miegħu proposti xierqa.

Kwalunkwe miżura speċifika barra mill-Fondi tista' tiġi stabbilita permezz ta' liġi jew liġi kwadru Ewropea, mingħajr preġudizzju għal miżuri adottati fil-qafas tal-politika l-oħra ta' l-Unjoni. Għandha tiġi adottata wara konsultazzjoni mal-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali.

Artikolu III-222

Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali huwa maħsub biex jgħin biex jittranġaw l-iżbilanċi ewlenija reġjonali fl-Unjoni permezz tal-parteċipazzjoni fl-iżvilupp u l-aġġustament strutturali ta' reġjuni li l-iżvilupp tagħhom għadu lura u fil-konverżjoni ta' reġjuni industrijali li sejrin lura.

Artikolu III-223

1.   Bla preġudizzju għall-artikolu III-224, il-liġi ewropea għandha tiddefinixxi l-kompiti, l-għanijiet ewlenin u l-organizzazzjoni tal-fondi strutturali, li jistgħu jinvolvu r-raggruppament tal-fondi, r-regoli ġenerali applikabbli għalihom kif ukoll id-disposizzjonjiet meħtieġa sabiex tiġi assigurata l-effikaċja tagħhom u l-kordinazzjoni tal-fondi bejn xulxin u ma' l-istrumenti finanzjarji oħra eżistenti.

Fond ta' Koeżjoni stabbilit b'liġi Ewropea għandu jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għal proġetti fl-oqsma ta' l-ambjent u tar-rettikolati trans-Ewropej fil-kamp ta' l-infrastruttura tat-trasport.

Fil-każijiet kollha, l-liġi Ewropea għandha tiġi adottata wara konsultazzjoni mal-Kumitat tar-Reġjuni u mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali.

2.   L-ewwel disposizzjonijiet dwar il-Fondi Strutturali u l-Fond ta' Koeżjoni li jiġu adottati wara dawk li jkunu fis-seħħ fid-data meta t-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa jiġi ffirmat għandhom jiġu stabbiliti b'liġi Ewropea tal-Kunsill. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jkollu l-kunsens tal-Parlament Ewropew.

Artikolu III-224

Il-liġi Ewropea għandha tistabbilixxi miżuri ta' implimentazzjoni li jirrelataw għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. Din il-liġi għandha tiġi adottata wara konsultazzjoni mal-Kumitat tar-Reġjuni u mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali.

Fejn għandu x'jaqsam il-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija, Sezzjoni ta' Gwida, u l-Fond Soċjali Ewropew, għandhom japplikaw rispettivament l-Artikoli III-231 u III-219(3).

SEZZJONI 4

AGRIKOLTURA U SAJD

Artikolu III-225

L-Unjoni għandha tiddefinixxi u timplimenta politika komuni għall-agrikoltura u s-sajd.

“Prodotti agrikoli” tfisser il-prodotti tal-ħamrija, tat-trobbija ta' l-annimali u tas-sajd u prodotti ta' pproċessar ta' l-ewwel stadju direttament relatati ma' dawn il-prodotti. Referenzi għall-politika agrikola komuni jew għall-agrikoltura, u l-użu ta' l-espressjoni “agrikola”, għandhom jinftehmu bħala li jirreferu wkoll għas-sajd, b'qies għall-karatteristiċi speċifiċi ta' dan is-settur.

Artikolu III-226

1.   Is-suq intern għandu jestendi għall-agrikoltura u għall-kummerċ fi prodotti agrikoli.

2.   Ħlief kif provdut xort'oħra fl-Artikoli III-227 sa III-232, ir-regoli dwar l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern għandhom japplikaw għal prodotti agrikoli.

3.   Il-prodotti elenkati fl-Anness I għandhom ikunu soġgetti għall-Artikoli III-227 sa III-232.

4.   L-operazzjoni u l-iżvilupp tas-suq intern għal prodotti agrikoli għandhom jimxu flimkien ma' politika agrikola komuni.

Artikolu III-227

1.   L-għanijiet tal-politika agrikola komuni għandhom ikunu:

a)

li tiżdied il-produttività agrikola billi jkun promoss il-progress tekniku u billi jiġi assigurat l-iżvilupp razzjonali tal-produzzjoni agrikola u l-aħjar użu tal-fatturi tal-produzzjoni, b'mod partikolari x-xogħol;

b)

li hekk ikun assigurat livell ta' l-għixien ġust għall-komunità agrikola, b'mod partikolari billi jiżdied il-qligħ individwali ta' persuni li jaħdmu fl-agrikoltura;

ċ)

li jiġu stabbilizzati s-swieq;

d)

li tiġi assigurata d-disponibilità ta' provvisti;

e)

li jiġi assigurat li l-provvisti jaslu għand il-konsumaturi bi prezzijiet raġonevoli.

2.   Meta jinħadmu l-politika agrikola komuni u l-metodi speċjali għall-applikazzjoni tagħha għandu jittieħed in kunsiderazzjoni:

a)

in-natura partikolari ta' l-attività agrikola, li tirriżulta mill-istruttura soċjali ta' l-agrikoltura u mid-disparitajiet strutturali u naturali bejn ir-reġjuni agrikoli differenti;

b)

il-bżonn li l-aġġustamenti xierqa jsiru ftit ftit;

ċ)

il-fatt li fl-Istati Membri l-agrikoltura tikkostitwixxi settur marbut mill-qrib ma' l-ekonomija in ġenerali.

Artikolu III-228

1.   Sabiex jintlaħqu l-miri stabbiliti fl-Artikolu III-227, għandha tiġi stabbilita organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli.

Din l-organizzazzjoni għandha tieħu waħda mill-forom li ġejjin, skond il-prodott konċernat:

a)

regoli komuni dwar il-kompetizzjoni;

b)

kordinazzjoni obbligatorja tal-varji organizzazzjonijiet nazzjonali tas-suq;

ċ)

organizzazzjoni ta' suq Ewropew.

2.   L-organizzazzjoni komuni stabbilita skond il-paragrafu 1 tista' tinkludi l-miżuri kollha meħtieġa biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu III-227, b'mod partikolari ir-regolament tal-prezzijiet, l-għajnuniet għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq tal-prodotti varji, l-ħażna u l-arranġamenti ta' riporti u l-makkinarju komuni għall-istabbilizzazzjoni ta' l-importazzjoni jew l-esportazzjoni.

L-organizzazzjoni komuni għandha tkun limitata għat-twettiq ta' l-għanijiet previsti fl-Artikolu III-227 u għandha teskludi kull diskriminazzjoni bejn il-produtturi jew il-konsumaturi fl-Unjoni.

Kull politika komuni ta' prezz għandha tkun ibbażata fuq kriterji komuni u metodi uniformi ta' kalkolu.

3.   Sabiex l-organizzazzjoni komuni prevista fil-paragrafu 1 tkun tista' tilħaq il-miri tagħha, jistgħu jiġu stabbiliti fond agrikolu wieħed jew iktar ta' gwida u garanzija.

Artikolu III-229

Sabiex ikun possibbli li l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu III-227 jintlaħqu, jista' jsir provvediment fil-kwadru tal-politika agrikola komuni partikolarment għal:

a)

kordinament effettiv ta' l-isforzi fl-oqsma ta' formazzjoni professjonali, tar-riċerka u d-disseminazzjoni ta' tagħlim dwar l-agrikoltura; dan jista' jinvolvi finanzjar konġunt ta' proġetti jew istituzzjonijiet;

b)

miżuri konġunti biex jippromwovu l-konsum ta' ċerti prodotti.

Artikolu III-230

1.   Is-sezzjoni dwar ir-regoli tal-kompetizzjoni għandha tapplika għall-produzzjoni ta' u l-kummerċ fi prodotti agrikoli biss sa fejn determinat mil-liġi jew mil-liġi kwadru ewropea skond l-artikolu III-231(2), b'qies għall-għanijiet previsti fl-artikolu III-227.

2.   Il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jadotta regolament Ewropew jew deċiżjoni Ewropea li jawtorizzaw l-għoti ta' għajnuna:

a)

għall-protezzjoni ta' intrapriżi żvantaġġati minn kondizzjonijiet strutturali jew naturali;

b)

fi kwadru ta' programmi ta' żvilupp ekonomiku.

Artikolu III-231

1.   Il-Kummissjoni għandha tissottometti proposti biex tinħadem u tiġi implimentata l-politika agrikola komuni, inkluża s-sostituzzjoni ta' organizzazzjonijiet nazzjonali b'waħda mill-forom ta' organizzazzjoni komuni prevista fl-Artikolu III-228(1), kif ukoll għall-implimentazzjoni tal-miżuri previsti f'din is-Sezzjoni.

Dawn il-proposti għandhom jieħdu in kunsiderazzjoni l-interdipendenza tal-kwistjonijiet agrikoli previsti f'din is-Sezzjoni.

2.   Il-liġi jew il-liġi kwadru Ewropea Ewropea għandha tistabbilixxi l-organizzazzjoni komuni tas-suq prevista fl-Artikolu III-228(1) kif ukoll id-disposizzjonijiet l-oħra meħtieġa għall-insegwiment ta' l-għanijiet tal-politika agrikola komuni u l-politika tas-sajd komuni. Għandha tiġi adottata wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali.

3.   Il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta r-regolamenti u d-deċiżjonijiet Ewropej dwar l-iffissar ta' prezzijiet, imposti, għajnuna u limitazzjonijiet kwantitattivi u dwar l-iffissar u l-allokazzjoni ta' opportunitajiet tas-sajd.

4.   Skond il-paragrafu 2, l-organizzazzjonijiet nazzjonali tas-suq jistgħu jiġu sostitwiti mill-organizzazzjoni komuni prevista fl-Artikolu III-228(1) jekk:

a)

l-organizzazzjoni komuni toffri salvagwardji ekwivalenti għall-impjieg u l-livell ta' l-għixien tal-produtturi konċernati lil Stati Membri li jopponu din il-miżura u li għandhom huma stess organizzazzjoni nazzjonali għall-produzzjoni in kwistjoni, b'kont meħud tar-ritmu ta' l-aġġustamenti li jkunu possibbli u l-ispeċjalizzazzjoni li tkun meħtieġa, u

b)

din l-organizzazzjoni tassigura kondizzjonijiet għall-kummerċ fl-Unjoni bħal dawk li jeżistu f'suq nazzjonali.

5.   Jekk organizzazzjoni komuni għal ċerta materja prima tiġi stabbilita qabel ma tkun teżisti l-organizzazzjoni komuni għall-prodotti pproċessati li jikkorrispondu għaliha, din il-materja prima li hija wżata għal prodotti pproċessati maħsuba għal esportazzjoni lejn pajjiżi terzi tista' tkun importata minn barra l-Unjoni.

Artikolu III-232

Meta fi Stat Membru prodott huwa soġġett għal organizzazzjoni nazzjonali tas-suq jew għal regoli interni li jkollhom effett ekwivalenti, li jolqtu l-posizzjoni kompetittiva ta' produzzjoni simili fi Stat Membru ieħor, piż kompensatorju għandu jiġi applikat mill-Istati Membri għall-importazzjoni ta' dan il-prodott li jiġi mill-Istat Membru fejn din l-organizzazzjoni jew dawn ir-regoli jeżistu, sakemm dak l-Istat ma japplikax piż kompensatorju għall-esportazzjoni.

Il-Kummissjoni għandha tadotta regolamenti jew deċiżjonijiet Ewropej li jistabbilixxu l-ammont ta' dawn il-piżijiet safejn huwa meħtieġ biex jerġa' jintlaħaq il-bilanċ. Tista' wkoll tawtorizza miżuri oħra, li tagħhom għandha tiddetermina l-kondizzjonijiet u d-dettalji.

SEZZJONI 5

AMBJENT

Artikolu III-233

1.   Politika ta' l-Unjoni dwar l-ambjent għandha tikkontribwixxi għat-twettiq ta' l-għanijiet li ġejjin:

a)

il-preservazzjoni, l-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità ta' l-ambjent;

b)

il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem;

ċ)

l-użu prudenti u razzjonali tar-riżorsi naturali;

d)

il-promozzjoni ta' miżuri f'livell internazzjonali sabiex jiġu trattati problemi ambjentali reġjonali jew mad-dinja kollha.

2.   Il-politika ta' l-Unjoni dwar l-ambjent għandha timmira lejn livell għoli ta' protezzjoni meta titqies id-diversità tas-sitwazzjonijiet fir-reġjuni varji ta' l-Unjoni. Għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta' prekawzjoni u fuq il-prinċipji li għandha tittieħed azzjoni preventiva, li l-ħsara ambjentali għandha bħala prijorità tiġi rettifikata fis-sorsi tagħha u li min iniġġeż għandu jħallas.

F'dan il-kuntest, miżuri ta' armonizzazzjoni bi tweġiba għall-ħtiġiet ta' protezzjoni ambjentali għandhom jinkludu, skond il-każ, klawżola ta' salvagwardja li tippermetti lill-Istati Membri li jieħdu miżuri provviżorji, għal raġunijiet ambjentali mhux ekonomiċi, bla ħsara għal proċedura ta' spezzjoni mill-Unjoni.

3.   Fil-preparazzjoni tal-politika tagħha dwar l-ambjent, l-Unjoni għandha tieħu in kunsiderazzjoni:

a)

data disponibbli xjentifika u teknika;

b)

kondizzjonijiet ambjentali fir-reġjuni varji ta' l-Unjoni;

ċ)

il-benefiċċji potenzjali u l-ispiża ta' azzjoni jew tan-nuqqas ta' azzjoni;

d)

l-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta' l-Unjoni in ġenerali u l-iżvilupp bilanċjat tar-reġjuni tagħha.

4.   Fl-oqsma ta' kompetenza rispettivi tagħhom, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkoperaw ma' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet kompetenti internazzjonali. L-arranġamenti għall-koperazzjoni ta' l-Unjoni jistgħu jkunu s-suġġett ta' ftehim bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi konċernati.

L-ewwel subparagrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenza ta' l-Istati Membri li jinnegozjaw f'korpi internazzjonali u li jikkonkludu ftehim internazzjonali.

Artikolu III-234

1.   Il-liġi jew il-liġi kwadru Ewropea Ewropea għandha tistabbilixxi x'azzjoni għandha tittieħed biex jintlaħqu l-għanijiet previsti fl-Artikolu III-223. Għandha tiġi adottata wara konsultazzjoni mal-Kumitat tar-Reġjuni u mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1 u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu III-172, il-Kunsill għandu b'mod unanimu jadotta liġijiet jew liġijiet kwadru Ewropej li jistabbilixxu:

a)

disposizzjonijiet ta' natura primarjament fiskali;

b)

miżuri li jolqtu:

i)

l-ippjanar tal-bliet u tal-kampanja;

ii)

l-immaniġġjar kwantitattiv tar-riżorsi ta' l-ilma, jew dak kollu li jolqot, direttament jew indirettament, id-disponibbiltà ta' dawk ir-riżorsi;

iii)

l-użu ta' l-art, bl-eċċezzjoni ta' l-immaniġġjar ta' l-iskart;

ċ)

miżuri li jolqtu b'mod konsiderevoli l-għażla ta' Stat Membru bejn għejjun differenti ta' enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista tiegħu ta' enerġija.

Il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jadotta, b'mod unanimu, deċiżjoni Ewropea li tirrendi l-proċedura ordinarja leġislattiva applikabbli għall-oqsma previsti fl-ewwel subparagrafu.

Fil-każijiet kollha, l-Kunsill għandu jaġixxi wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, mal-Kumitat tar-Reġjuni u mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali.

3.   Liġi Ewropej għandha tistabbilixxi programmi ta' azzjoni ġenerali li jistabbilixxu għanijiet ta' prijorità li għandhom jintlaħqu. Din il-liġi għandha tiġi adottata wara konsultazzjoni mal-Kumitat tar-Reġjuni u mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali.

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dawn il-programmi għandhom jiġu adottati skond il-kondizzjonijiet tal-paragrafu 1 jew 2, skond il-każ.

4.   Mingħajr preġudizzju għal ċerti miżuri adottati mill-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jiffinanzjaw u jimplimentaw il-politika ambjentali.

5.   Mingħajr preġudizzju għall-prinċipju li min iniġġeż għandu jħallas, jekk miżura bbażata fuq il-paragrafu 1 tinvolvi spejjeż meqjusa bħala disproporzjonati għall-awtoritajiet pubbliċi ta' Stat Membru, din il-miżura għandha tipprovdi f'forma xierqa għal:

a)

derogi temporanji, u/jew

b)

sostenn finanzjarju mill-Fond ta' Koeżjoni.

6.   Il-miżuri protettivi adottati skond dan l-Artikolu m'għandhomx iżommu lil xi Stat Membru milli jżomm fis-seħħ jew idaħħal miżuri protettivi aktar iebsa. Dawn il-miżuri jridu jkunu kompatibbli mal-Kostituzzjoni. Għandhom jiġu notifikati lill-Kummissjoni.

SEZZJONI 6

PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR

Artikolu III-235

1.   Sabiex jiġu promossi l-interessi tal-konsumaturi u sabiex jiġi assigurat livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur, l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-protezzjoni tas-saħħa, tas-sigurtà u u ta' l-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi, kif ukoll għall-promozzjoni tad-dritt tagħhom għal informazzjoni, edukazzjoni u d-dritt li jorganizzaw ruħhom sabiex jissalvagwardjaw l-interessi tagħhom.

2.   L-Unjoni għandha tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet previsti fil-paragrafu 1 permezz ta':

a)

miżuri adottati skond l-Artikolu III-172 fil-kuntest ta' l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern;

b)

miżuri li jappoġġaw, jissupplimentaw u jikkontrollaw il-politika mwettqa mill-Istati Membri.

3.   Il-liġi jew il-liġi kwadru Ewropea Ewropea għandha tistabbilixxi l-miżuri previsti fil-paragrafu 2 (b). Din il-liġi għandha tiġi adottata wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali.

4.   Atti adottati skond il-paragrafu 3 m'għandhomx iżommu lil kwalunkwe Stat Membru milli jżomm fis-seħħ jew idaħħal disposizzjonijiet protettivi iktar iebsa. Dawn id-disposizzjonijiet iridu jkunu kompatibbli mal-Kostituzzjoni. Għandhom jiġu notifikati lill-Kummissjoni.

SEZZJONI 7

TRASPORT

Artikolu III-236

1.   L-għanijiet tal-Kostituzzjoni f'materji regolati minn din is-Sezzjoni għandhom jiġu segwiti fil-qafas ta' politika komuni dwar it-trasport.

2.   Il-liġi jew il-liġi kwadru Ewropea Ewropea għandha timplimenta l-paragrafu 1 waqt li tieħu in kunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari tat-trasport. Għandha tiġi adottata wara konsultazzjoni mal-Kumitat tar-Reġjuni u mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali.

Il-liġi jew liġi kwadru Ewropea għandha tistabbilixxi:

a)

regoli komuni applikabbli għat-trasport internazzjonali lejn jew mit-territorju ta' Stat Membru jew li jgħaddi mit-territorju ta' Stat Membru wieħed jew iktar;

b)

il-kondizzjonijiet li taħthom trasportaturi mhux residenti jistgħu joperaw servizzi tat-trasport nazzjonali fi Stat Membru;

ċ)

miżuri biex titjieb is-sigurtà tat-trasport;

d)

kull miżura oħra xierqa.

3.   Meta l-liġi jew il-liġi kwadru Ewropea prevista fil-paragrafu 2 tiġi adottata, għandhom jitqiesu dawk il-każijiet fejn l-applikazzjoni tagħhom tista' tolqot serjament il-livell ta' l-għixien u l-livell ta' l-impjiegi f'ċerti reġjuni kif ukoll l-operazzjoni ta' faċilitajiet tat-trasport.

Artikolu III-237

Sakemm il-liġi jew il-liġi kwadru Ewropea prevista fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu III-236(2) tkun ġiet adottata, u salv jekk il-Kunsill ikun adotta b'mod unanimu deċiżjoni Ewropea li tagħti deroga, l-ebda Stat Membru ma jista' jirrendi d-disposizzjonijiet varji li jirregolaw is-suġġett nhar l-1 ta' Jannar 1958 jew, għall-Istati li ser jingħaqdu, d-data ta' l-adeżjoni tagħhom, anqas favorevoli fl-effett dirett jew indirett tagħhom fuq trasportaturi ta' Stati Membri oħra meta imqabbla ma' trasportaturi li huma ċittadini ta' dak l-Istat.

Artikolu III-238

L-għajnuniet għandhom ikunu kompatibbli mal-Kostituzzjoni jekk ikunu jħarsu l-bżonnijiet ta' kordinazzjoni tat-trasport jew jekk ikunu jirrappreżentaw ir-rimborzi ta' ċerti piżijiet li jeżistu fil-principju ta' servizz pubbliku.

Artikolu III-239

Kull miżura li tiġi adottata fil-qafas tal-Kostituzzjoni dwar ir-rati u l-kondizzjonijiet tat-trasport għandha tqis iċ-ċirkostanzi ekonomiċi tat-trasportaturi.

Artikolu III-240

1.   Fil-każ ta' trasport fl-Unjoni, diskriminazzjoni fejn trasportaturi jitolbu rati differenti u jimponu kondizzjonijiet differenti għat-trasport ta' l-istess merkanzija fuq l-istess relazzjonijiet ta' trasport fuq bażi ta' l-Istat Membru ta' l-oriġini jew tad-destinazzjoni tal-merkanzija in kwistjoni għandha tkun ipprojbita.

2.   Il-paragrafu 1 m'għandux jeskludi l-adozzjoni ta' liġijiet jew liġijiet kwadru Ewropej oħra skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu III-236(2).

3.   Il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta regolamenti jew deċiżjonijiet Ewropej għall-implimentazzjoni tal-paragrafu 1. Għandu jaġixxi wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali.

Il-Kunsill jista' b'mod partikolari jadotta r-regolamenti u d-deċiżjonijiet Ewropej meħtieġa sabiex l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu jassiguraw ħarsien tar-regola prevista fil-paragrafu 1 u sabiex jiġi assigurat li min jużaha jibbenefika minnha bis-sħiħ.

4.   Il-Kummissjoni, li taġixxi fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq applikazzjoni minn Stat Membru, għandha tinvestiga kull każ ta' diskriminazzjoni li jaqa' taħt il-paragrafu 1 u, wara konsultazzjoni ma' kwalunkwe Stat Membru konċernat, tadotta d-deċiżjonijiet Ewropej meħtieġa fil-qafas tar-regolamenti u deċiżjonijiet Ewropej previsti fil-paragrafu 3.

Artikolu III-241

1.   L-imposizzjoni minn Stat Membru, fir-rigward ta' operazzjonijiet ta' transport imwettqa fl-Unjoni, ta' rati u kondizzjonijiet li jinvolvu kwalunwke element ta' sostenn jew protezzjoni fl-interess ta' impriża jew impriżi partikolari għandha tiġi pprojbita, sakemm mhux awtorizzata minn deċiżjoni Ewropea tal-Kummissjoni.

2.   Il-Kummissjoni, li taġixxi fuq l-inizjattiva tagħha jew fuq applikazzjoni minn Stat Membru, għandha teżamina r-rati u l-kondizzjonijiet previsti fil-paragrafu 1, waqt li jitqiesu b'mod partikolari l-ħtiġiet ta' politika ekonomika reġjonali xierqa, tal-bżonnijiet ta' żoni sottożviluppati u tal-problemi ta' żoni milquta serjament minn ċirkostanzi politiċi min-naħa l-waħda, u ta' l-effetti ta' dawn ir-rati u l-kondizzjonijiet fuq il-kompetizzjoni bejn il-modi differenti ta' trasport min-naħa l-oħra.

Wara li tikkonsulta lil kull Stat Membru konċernat, il-Kummissjoni għandha tadotta d-deċiżjonijiet Ewropej meħtieġa.

3.   Il-projbizzjoni prevista fil-paragrafu 1 m'għandhiex tapplika għal tariffi ffissati minħabba l-kompetizzjoni.

Artikolu III-242

Piżijiet jew ħlasijiet dovuti fir-rigward tal-qsim ta' fruntieri li huma mitluba minn trasportatur b'żieda għar-rati tat-trasport m'għandhomx jaqbżu livell raġjonevoli wara li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-ispejjeż involuti effettivament.

L-Istati Membri għandhom jippruvaw inaqqsu dawn l-ispejjeż.

Il-Kummissjoni tista' tagħmel rakkomandazzjonijiet lil Stati Membri għall-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu.

Artikolu III-243

Id-disposizzjonijiet ta' din is-Sezzjoni m'għandhomx jiffurmaw xkiel għall-applikazzjoni tal-miżuri meħuda fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sal-limitu li dawn il-miżuri huma meħtieġa sabiex jikkumpensaw għall-iżvantaġġi ekonomiċi kkawżati mid-diviżjoni tal-Ġermanja lill-ekonomija ta' ċerti żoni tar-Repubblika Federali milquta minn dik id-diviżjoni. Ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa, l-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jadotta deċiżjoni Ewropea li tħassar dan l-Artikolu.

Artikolu III-244

Kumitat Konsultattiv li jikkonsisti minn esperti maħtura mill-gvernijiet ta' l-Istati Membri għandu jkun anness mal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni, kull meta tqis li jkun opportun, għandha tikkonsulta lill-Kumitat dwar kwistjonijiet ta' trasport.

Artikolu III-245

1.   Din is-Sezzjoni għandha tapplika għal trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni.

2.   Il-liġi jew il-liġi kwadru Ewropea Ewropea tista' tistabbilixxi miżuri xierqa għal trasport bil-baħar u bl-ajru. Għandha tiġi adottata wara konsultazzjoni mal-Kumitat tar-Reġjuni u mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali.

SEZZJONI 8

RETTIKOLATI TRANS-EWROPEJ

Artikolu III-246

1.   Sabiex tgħin biex jintlaħqu l-għanijiet previsti fl-Artikoli III-130 u III-220 u sabiex ċittadini ta' l-Unjoni, operaturi ekonomiċi u komunitajiet reġjonali u lokali jkunu jistgħu jieħdu benefiċċju sħiħ mill-istabbiliment ta' żona mingħajr fruntieri interni, l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-istabbiliment u l-iżvilupp ta' rettikolati trans-Ewropej fiż-żoni ta' trasport, telekomunikazzjonijiet u infrastrutturi ta' l-enerġija.

2.   Fil-qafas ta' sistema ta' swieq miftuħa u kompetittivi, azzjoni mill-Unjoni għandha timmira biex tippromwovi l-interkonnessjoni u l-interoperabilità ta' rettikolati nazzjonali, kif ukoll aċċess għal dawn ir-rettikolati. Għandha tieħu in kunsiderazzjoni b'mod partikolari l-bżonn li jingħaqdu r-reġjuni ta' gżejjer, dawk maqtugħa mill-baħar kif ukoll dawk periferiċi mar-reġjuni ċentrali ta' l-Unjoni.

Artikolu III-247

1.   Sabiex jintlaħqu l-għanijiet previsti fl-Artikolu III-246, l-Unjoni:

a)

għandha tistabbilixxi sensiela ta' linji gwida dwar l-għanijiet, il-prijoritajiet kif ukoll il-linji ġenerali ta' miżuri kontemplati fil-qasam tar-rettikolati trans-Ewropej; dawn il-linji gwida għandhom jidentifikaw proġetti ta' interess komuni;

b)

għandha timplimenta kull miżura li tista' tkun meħtieġa biex tiġi assigurata l-interoperabilità tar-rettikolati, b'mod partikolari fil-qasam ta' l-istandardizzazzjoni teknika;

ċ)

tista' ssostni proġetti ta' interess komuni sostnuti minn Stati Membri, li jiġu identifikati fil-kwadru tal-linji gwida previsti fil-punt (a), b'mod partikolari permezz ta' studji ta' fattibiltà, garanziji għal self jew sussidji fuq ir-rati ta' l-imgħax; l-Unjoni tista' wkoll tikkontribwixxi, permezz tal-Fond ta' Koeżjoni, għall-finanzjament ta' proġetti speċifiċi fi Stati Membri fil-qasam ta' l-infrastruttura tat-trasport.

L-attivitajiet ta' l-Unjoni għandhom jieħdu in kunsiderazzjoni l-vijabilità ekonomika potenzjali tal-proġetti.

2.   Il-liġi jew il-liġi kwadru Ewropea Ewropea għandhom tistabbilixxi l-linji gwida u l-miżuri oħra previsti fil-paragrafu 1. Din il-liġi għandha tiġi adottata wara konsultazzjoni mal-Kumitat tar-Reġjuni u mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali.

Linji gwida u proġetti ta' interess komuni li għandhom x'jaqsmu mat-territorju ta' Stat Membru għandhom jinħtieġu l-kunsens ta' dak l-Istat Membru.

3.   L-Istati Membri għandhom, flimkien mal-Kummissjoni, jikkordinaw bejniethom il-politika segwita fuq il-livell nazzjonali li jista' jkollha impatt sinifikanti fuq il-kisba ta' l-għanijiet previsti fl-Artikolu III-246. Il-Kummissjoni tista', b'koperazzjoni mill-qrib ma' l-Istati Membri, tieħu kull inizjattiva utli biex tippromwovi dik il-kordinazzjoni.

4.   L-Unjoni tista' tikkopera ma' pajjiżi terzi sabiex tippromwovi proġetti ta' interess reċiproku u sabiex tassigura l-interoperabilità tar-rettikolati.

SEZZJONI 9

RIĊERKA U ŻVILUPP TEKNOLOĠIKU U L-ISPAZJU

Artikolu III-248

1.   L-azzjoni ta' l-Unjoni għandha timmira biex issaħħaħ is-sisien xjentifiċi u teknoloġiċi tagħha billi tistabbilixxi żona ta' riċerka Ewropea li fiha riċerkaturi, għarfien xjentifiku u teknoloġiku jiċċirkolaw liberament, u tinkoraġġiha biex tkun aktar kompetittiva, inkluż fl-industrija tagħha, waqt li tippromwovi l-attivitajiet kollha ta' riċerka li huma meqjusa meħtieġa taħt Kapitoli oħra tal-Kostituzzjoni.

2.   Għall-għanijiet previsti fil-paragrafu 1, l-Unjoni għandha tinkoraġgixxi impriżi f'kull parti ta' l-Unjoni, inklużi impriżi żgħar u ta' daqs medju, ċentri ta' riċerka u universitajiet fl-attivitajiet tagħhom ta' riċerka u żvilupp teknoloġiku ta' kwalità għolja. Għandha tappoġġa l-isforzi tagħħom biex jikkoperaw ma' xulxin, notevolment billi tippermetti li r-riċerkaturi jikkoperaw liberament b'mod transkonfinali u billi tgħin lill-impriżi sabiex jisfruttaw il-potenzjal tas-suq intern, b'mod partikolari permezz tal-ftuħ ta' kuntratti pubbliċi nazzjonali, d-definizjoni ta' livelli komuni u t-tneħħija ta' xkiel legali u fiskali għal dik il-koperazzjoni.

3.   L-attivitajiet kollha ta' l-Unjoni fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku, inklużi proġetti ta' dimostrazzjoni, għandhom jiġu deċiżi u implimentati skond din is-Sezzjoni.

Artikolu III-249

Fit-twettiq ta' l-għanijiet previsti fl-Artikolu III-248, l-Unjoni għandha twettaq l-attivitajiet li ġejjin, li jikkumplimentaw l-attivitajiet imwettqa fl-Istati Membri:

a)

l-implimentazzjoni ta' riċerka, programmi ta' żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni, billi tippromwovi l-koperazzjoni ma' u bejn impriżi, ċentri ta' riċerka u universitajiet;

b)

il-promozzjoni ta' koperazzjoni fil-qasam tar-riċerka ta' l-Unjoni, l-iżvilupp teknoloġiku u d-dimostrazzjoni ta' l-Unjoni ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali;

ċ)

it-tixrid u l-ottimizzazzjoni tar-riżultati ta' attivitajiet fir-riċerka, fl-iżvilupp teknoloġiku u fid-dimostrazzjoni ta' l-Unjoni;

d)

l-istimolu tal-formazzjoni u l-mobilità ta' riċerkaturi fl-Unjoni.

Artikolu III-250

1.   L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkordinaw l-attivitajiet tagħhom ta' riċerka u żvilupp teknoloġiku sabiex jassiguraw li l-politika nazzjonali u l-politika ta' l-Unjoni jkunu konsistenti reċiprokament.

2.   F'koperazzjoni mill-qrib ma' l-Istati Membri, l-Kummissjoni tista' tieħu kull inizjattiva utli biex tippromwovi l-kordinazzjoni prevista fil-paragrafu 1, b'mod partikolari inizjattivi li jimmiraw lejn l-istabbiliment ta' linji gwida u indikaturi, l-organizzazzjoni ta' l-iskambju ta' l-aħjar prattika, u l-preparazzjoni ta' l-elementi meħtieġa għall-kontroll u l-valutazzjoni perjodiċi. Il-Parlament Ewropew għandu jinżamm kompletament infurmat.

Artikolu III-251

1.   Il-liġi Ewropea għandha tistabbilixxi programm kwadru pluriennali, li jkun jinkludi l-attivitajiet kollha ffinanzjati mill-Unjoni. Din il-liġi għandha tiġi adottata wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali.

Dan il-programm kwadru għandu:

a)

jistabbilixxi l-għanijiet xjentifiċi u tekniċi li għandhom jintlaħqu mill-attivitajiet previsti fl-Artikolu III-249 u jiffissa l-prijoritajiet rilevanti;

b)

jindika l-linji ġenerali ta' dawn l-attivitajiet;

ċ)

jistabbilixxi l-ammont globali massimu u r-regoli dettaljati għall-parteċipazzjoni finanzjarja ta' l-Unjoni fil-programm kwadru kif ukoll l-isħma rispettivi f'kull waħda mill-attivitajiet previsti.

2.   Il-programm kwadru pluriennali għandu jiġi adattat jew supplimentat skond kif tinbidel is-sitwazzjoni.

3.   Liġi Ewropea tal-Kunsill għandha tistabbilixxi programmi speċifiċi li jimplementaw il-programm kwadru pluriennali f'kull attività. Kull programm speċifiku għandu jiddefinixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tiegħu, jiffissa t-tul tiegħu u jipprovdi għall-mezzi meqjusa meħtieġa. Is-somma ta' l-ammonti meqjusa meħtieġa, ffissata fil-programmi speċifiċi, ma tistax taqbeż l-ammont globali massimu ffissat għal dan il-programm kwadru u għal kull attività. Din il-liġi għandha tiġi adottata wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali.

4.   B'mod komplementari ma' l-attivitajiet imfassla fil-programm kwadru pluriennali, liġi Ewropea għandha tistabbilixxi l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni taż-żona ta' riċerka Ewropea. Din il-liġi għandha tiġi adottata wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali.

Artikolu III-252

1.   Għall-implimentazzjoni tal-programm kwadru pluriennali, liġi jew liġi kwadru Ewropea għandha tistabbilixxi:

a)

ir-regoli għall-parteċipazzjoni ta' impriżi, ċentri ta' riċerka u universitajiet;

b)

ir-regoli li jirregolaw it-tixrid ta' riżultati ta' riċerka.

Din il-liġi jew liġi kwadru Ewropea għandha tiġi adottata wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali.

2.   Fl-implimentazzjoni tal-programm kwadru pluriennali, liġi Ewropea tista' tistabbilixxi programmi supplimentari li jinvolvu l-parteċipazzjoni ta' ċerti Stati Membri biss, li għandhom jiffinanzjawhom bla ħsara għal parteċipazzjoni possibbli mill-Unjoni.

Din il-liġi Ewropea għandha tiddetermina r-regoli applikabbli għal programmi supplimentari, partikolarment fir-rigward tat-tixrid ta' għarfien kif ukoll l-aċċess minn Stati Membri oħrajn. Għandha tiġu adottata wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u bi qbil ma' l-Istati Membri konċernati.

3.   Fl-implimentazzjoni tal-programm kwadru pluriennali, l-liġi Ewropea tista' tipprovdi, bi qbil ma' l-Istati Membri konċernati, għal parteċipazzjoni fi programmi ta' riċerka u żvilupp li jidħlu għalihom diversi Stati Membri, inkluża parteċipazzjoni fl-istrutturi maħluqa għall-eżekuzzjoni ta' dawk il-programmi.

Din il-liġi Ewropea għandha tiġi adottata wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali.

4.   Fl-implimentazzjoni tal-programm kwadru pluriennali l-Unjoni tista' tipprovdi għal koperazzjoni fir-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u d-dimostrazzjoni ta' l-Unjoni ma' pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali.

L-arranġamenti dettaljati għal din il-koperazzjoni jistgħu jkunu s-suġġett ta' ftehim bejn l-Unjoni u l-partijiet terzi konċernati.

Artikolu III-253

Il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni jista' jadotta regolamenti jew deċiżjonijiet Ewropej biex jiġu stabbiliti impriżi konġunti jew kull struttura oħra meħtieġa għall-eżekuzzjoni effiċjenti tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-programmi ta' dimostrazzjoni ta' l-Unjoni. Għandu jaġixxi wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali.

Artikolu III-254

1.   Sabiex jiġu promossi l-progress xjentifiku u teknoloġiku, l-kompetittività industrijali u l-implimentazzjoni tal-politika tagħha, l-Unjoni għandha tfassal politika Ewropea dwar l-ispazju. Għal dan l-iskop, tista' tippromwovi inizjattivi konġunti, tagħti appoġġ lir-riċerka u l-żvilupp teknoloġiku u tikkordina l-isforzi meħtieġa għall-esplorazzjoni u l-isfruttament ta' l-ispazju.

2.   Sabiex tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet previsti fil-paragrafu 1, liġi jew liġi kwadru Ewropea għandha tistabbilixxi l-miżuri meħtieġa, li jistgħu jieħdu l-forma ta' programm Ewropew dwar l-ispazju.

3.   L-Unjoni għandha tistabbilixxi relazzjonijiet xierqa ma' l-Aġenzija Ewropea ta' l-Ispazju.

Artikolu III-255

Fil-bidu ta' kull sena l-Kummissjoni għandha tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapport għandu jinkludi tagħrif dwar attivitajiet rigward riċerka, żvilupp teknoloġiku u tixrid ta' riżultati tul is-sena ta' qabel, u l-programm ta' ħidma għas-sena kurrenti.

SEZZJONI 10

ENERĠIJA

Artikolu III-256

1.   Fil-kwadru ta' l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern u fir-rigward tal-ħtieġa li jiġi ppreservat u mtejjeb l-ambjent, il-politika ta' l-Unjoni dwar l-enerġija għandha timmira biex:

a)

tassigura l-funzjonament tas-suq ta' l-enerġija,

b)

tassigura s-sigurtà ta' provvista ta' l-energija fl-Unjoni, u

ċ)

tippromwovi l-effiċjenza fl-enerġija u l-iffrankar fl-użu ta' l-enerġija kif ukoll l-iżvilupp ta' forom ta' enerġija ġodda u li jiġġeddu.

2.   Bla preġudizzju għall-applikazzjoni ta' disposizzjonijiet oħra tal-Kostituzzjoni, liġi jew liġi kwadru Ewropea għandha tistabbilixxi l-miżuri meħtieġa biex jinkisbu l-għanijiet tal-paragrafu 1. Għandha tiġi adottata wara konsultazzjoni mal-Kumitat tar-Reġjuni u mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali.

Din il-liġi jew liġi kwadru Ewropea m'għandhiex tolqot id-dritt ta' Stat Membru li jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-isfruttament tar-riżorsi ta' enerġija tiegħu, l-għażla tiegħu bejn riżorsi differenti ta' enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista ta' enerġija tiegħu, bla preġudizzju għall-Artikolu III-234(2)(ċ).

3.   B'deroga mill-paragrafu 2, liġi jew liġi kwadru Ewropea tal-Kunsill għandha tistabbilixxi l-miżuri li huma previsti fih meta jkunu primarjament ta' natura fiskali. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew.

KAPITOLU IV

ŻONA TA' LIBERTÀ, SIGURTÀ U ĠUSTIZZJA

SEZZJONI 1

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu III-257

1.   L-Unjoni għandha tikkostitwixxi żona ta' libertà, ta' sigurtà u ta' ġustizzja b'rispett għad-drittijiet fundamentali u tas-sistemi u t-tradizzjonijiet legali differenti ta' l-Istati Membri.

2.   Għandha tassigura li ma jkunx hemm kontrolli ta' fruntieri interni għal persuni u għandha tinkwadra politika komuni dwar l-asil, l-immigrazzjoni u l-kontroll fuq il-fruntieri esterni, bbażati fuq solidarjetà bejn Stati Membri, li tkun ġusta għal ċittadini ta' pajjiżi terzi. Għall-iskop ta' dan il-Kapitolu, persuni apolidi għandhom jiġu trattati bħala ċittadini ta' pajjiżi terzi.

3.   L-Unjoni għandha tipprova tassigura livell għoli ta' sigurtà permezz ta' miżuri li jrażżnu u jikkumbattu l-kriminalità, r-razziżmu u l-kżenofobija, u permezz ta' miżuri għal kordinazzjoni u koperazzjoni bejn awtoritajiet tal-pulizija u ġudizzjarji u awtoritajiet kompetenti oħrajn, kif ukoll permezz tar-rikonoxximent reċiproku ta' sentenzi f'materji kriminali u, jekk meħtieġ, permezz ta' l-approssimazzjoni ta' liġijiet kriminali.

4.   L-Unjoni għandha tiffaċilita l-aċċess għall-ġustizzja, b'mod partikolari permezz tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji u extraġudizzjarji f'materji ċivili.

Artikolu III-258

Il-Kunsill Ewropew għandu jiddefinixxi linji gwida strateġiċi għal ippjanar leġislattiv u operazzjonali fiż-żona ta' libertà, ta' sigurtà u ta' ġustizzja.

Artikolu III-259

Il-Parlamenti nazzjonali għandhom jassiguraw li l-proposti u l-inizjattivi leġislattivi preżentati fil-qafas tas-Sezzjonijiet 4 u 5 ta' dan il-Kapitolu jħarsu l-prinċipju ta' sussidjarjetà, skond il-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità.

Artikolu III-260

Bla preġudizzju għall-Artikoli III-360 sa III-362, il-Kunsill jista', fuq proposta mill-Kummissjoni, jadotta regolamenti jew deċiżjonijiet Ewropej li jistabbilixxu l-arranġamenti li permezz tagħhom l-Istati Membri, f'kollaborazzjoni mal-Kummissjoni, jagħmlu valutazzjoni oġġettiva u imparzjali ta' l-implimentazzjoni tal-politika ta' l-Unjoni prevista f'dan il-Kapitolu mill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri, b'mod partikolari biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni sħiħa tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku. Il-Parlament Ewropew u l-Parlamenti nazzjonali għandhom jiġu informati bil-kontenut u bir-riżultati tal-valutazzjoni.

Artikolu III-261

Għandu jiġi stabbilit kumitat permanenti fil-Kunsill biex jassigura li koperazzjoni operattiva dwar is-sigurtà interna tiġi promossa u msaħħa fi ħdan l-Unjoni. Bla preġudizzju għall-Artikolu III-344, għandu jiffaċilita l-kordinazzjoni ta' l-azzjoni ta' l-awtoritajiet kompetenti ta' Stati Membri. Ir-rappreżentanti tal-korpi u l-aġenziji ta' l-Unjoni konċernati jistgħu jkunu involuti fil-proċeduri ta' dan il-Kumitat. Il-Parlament Ewropew u l-Parlamenti nazzjonali għandhom jinżammu infurmati bil-proċeduri.

Artikolu III-262

Dan il-Kapitolu m'għandux jolqot l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet ta' l-Istati Membri rigward il-manteniment ta' l-ordni pubbliku u l-protezzjoni tas-sigurtà interna.

Artikolu III-263

Il-Kunsill għandu jadotta regolamenti Ewropej biex jassigura koperazzjoni amministrattiva bejn id-dipartimenti rilevanti ta' l-Istati Membri fiż-żoni koperti b'dan il-Kapitolu, kif ukoll bejn dawk id-dipartimenti u l-Kummissjoni. Għandu jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, soġġetta għall-Artikolu III-264, u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew.

Artikolu III-264

L-atti previsti fis-Sezzjonijiet 4 u 5, flimkien mar-regolamenti Ewropej previsti fl-Artikolu III-263 li jassiguraw koperazzjoni fl-amministrazzjoni fl-oqsma koperti minn dawn is-Sezzjonijiet, għandhom jiġu adottati:

a)

fuq proposta mill-Kummissjoni, jew

b)

fuq l-inizjattiva ta' kwart mill-Istati Membri.

SEZZJONI 2

POLITIKA DWAR KONTROLLI FUQ IL-FRUNTIERI, IL-KENN TAR-REFUĠJATI U L-IMMIGRAZZJONI

Artikolu III-265

1.   L-Unjoni għandha tiżviluppa politika bl-għan li:

a)

tassigura li ma jkun hemm l-ebda kontrolli fuq persuni, tkun xi tkun iċ-ċittadinanza tagħhom, meta jaqsmu l-fruntieri interni;

b)

twettaq kontrolli fuq persuni u sorveljanza effiċjenti tal-qsim tal-fruntieri esterni;

ċ)

iddaħħal b'mod gradwali sistema integrata ta' amministrazzjoni għall-fruntieri esterni.

2.   Għall-għanijiet tal-paragrafu 1, liġi jew liġi kwadru Ewropea għandha tistabbilixxi miżuri li jikkonċernaw:

a)

il-politika komuni dwar viżi u permessi oħra ta' residenza għal żjara qasira;

b)

il-kontrolli li huma soġġetti għalihom persuni li jaqsmu l-fruntieri esterni;

ċ)

il-kondizzjonijiet li taħthom ċittadini ta' pajjiżi terzi għandhom il-libertà li jivvjaġġaw fl-Unjoni għal żmien qasir;

d)

kull miżura meħtieġa għall-istabbiliment gradwali ta' sistema integrata ta' amministrazzjoni għall-fruntieri esterni;

e)

in-nuqqas ta' kull kontroll fuq persuni, tkun xi tkun iċ-ċittadinanza tagħhom, meta jaqsmu l-fruntieri interni.

3.   Dan l-Artikolu m'għandux jolqot il-kompetenza ta' l-Istati Membri li tikkonċerna d-demarkazzjoni ġeografika tal-fruntieri tagħhom, skond id-dritt internazzjonali.

Artikolu III-266

1.   L-Unjoni għandha tiżviluppa politika komuni dwar l-asil, il-protezzjoni sussidjarja u l-protezzjoni temporanja bl-iskop li jiġi offert status xieraq lil kull ċittadin ta' pajjiż terz li jeħtieġ protezzjoni internazzjonali u tassigura ħarsien tal-prinċipju ta' non-refoulement. Din il-politika għandha tħares il-Konvenzjoni ta' Ġinevra tat-28 ta' Lulju 1951 u l-Protokoll tal-31 ta' Jannar 1967 dwar l-istatus ta' refuġjati, kif ukoll trattati rilevanti oħra.

2.   Għall-għanijiet tal-paragrafu 1, liġi jew liġi kwadru Ewropea għandha tistabbilixxi miżuri għal sistema Ewropea komuni dwar l-asil li tinkludi:

a)

status uniformi ta' asil għal ċittadini ta' pajjiżi terzi, validu fl-Unjoni kollha;

b)

status uniformi ta' protezzjoni sussidjarja għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li, mingħajr ma jiksbu asil Ewropew, jeħtieġu protezzjoni internazzjonali;

ċ)

sistema komuni ta' protezzjoni temporanja, f'każ ta' dħul massiv, ta' persuni maqlugħa minn pajjiżhom ;

d)

proċeduri komuni biex jingħata u jiġi rtirat l-istatus uniformi ta' asil jew ta' protezzjoni sussidjarja;

e)

kriterji u mekkaniżmi biex jiġi determinat liema Stat Membru huwa responsabbli biex jikkunsidra applikazzjoni għall-asil jew għall-protezzjoni sussidjarja;

f)

standards li jikkonċernaw il-kondizzjonijiet biex jintlaqgħu applikanti għall-asil jew għall-protezzjoni sussidjarja;

g)

sħubija u koperazzjoni ma' pajjiżi terzi għall-amministrazzjoni tal-proċess ta' dħul ta' nies li japplikaw għall-asil jew għall-protezzjoni sussidjarja jew temporanja.

3.   F'każ li Stat Membru wieħed jew iktar li jkunu ikkonfrontati b'sitwazzjoni ta' emerġenza karatterizzata bi dħul f'daqqa ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi, l-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jadotta regolamenti jew deċiżjonijiet Ewropej li jinkludu miżuri provviżorji għall-benefiċċju ta' l-Istat(i) Membru(i) konċernat(i). Għandu jaġixxi wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew.

Artikolu III-267

1.   L-Unjoni għandha tiżviluppa politika komuni ta' immigrazzjoni maħsuba biex tassigura, fl-istadji kollha, l-amministrazzjoni effiċjenti tal-flussi tal-migrazzjoni, t-trattament ġust ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li joqgħodu legalment fi Stati Membri, u l-prevenzjoni ta' l-immigrazzjoni illegali u t-traffikar ta' bnedmin, u miżuri msaħħa biex jikkumbattuhom.

2.   Għall-għanijiet tal-paragrafu 1, liġi jew liġi kwadru Ewropea għandha tistabbilixxi miżuri fl-oqsma li ġejjin:

a)

il-kondizzjonijiet ta' dħul u residenza, u standards dwar il-ħruġ minn Stati Membri ta' viżi u permessi ta' residenza għal żmien twil, inklużi dawk biex tingħaqad il-familja;

b)

id-definizjoni tad-drittijiet ta' ċittadin ta' pajjiż terz li joqgħod legalment fi Stat Membru inklużi l-kondizzjonijiet li jirregolaw il-libertà ta' moviment u ta' residenza fi Stati Membri oħra;

ċ)

l-immigrazzjoni illegali u r-residenza mhux awtorizzata, inkluża t-tneħħija u r-ripatrijazzjoni ta' persuni li jirrisjedu mingħajr awtorizzazzjoni;

d)

il-ġlieda kontra t-traffikar ta' persuni, b'mod partikolari nisa u tfal.

3.   L-Unjoni tista' tikkonkludi ftehim ma' pajjiżi terzi rigward id-dħul mill-ġdid fil-pajjiż ta' l-oriġini jew ta' provenjenza minn ċittadini ta' pajjiżi terzi li ma jissodisfawx jew ma jibqgħux jissodisfaw il-kondizzjonijiet għad-dħul, għall-preżenza jew għar-residenza fit-territorju ta' wieħed mill-Istati Membri.

4.   Liġi jew liġi kwadru Ewropea tista' tistabbilixxi miżuri biex jipprovdu inċentivi u sostenn għall-azzjoni ta' Stati Membri bl-għan li tiġi promossa l-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fit-territorji tagħhom, eskluża kull armonizzazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Istati Membri.

5.   Dan l-Artikolu m'għandux jolqot d-dritt ta' Stati Membri li jiddeterminaw il-volumi ta' ammissjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jiġu minn pajjiżi terzi fit-territorju tagħhom sabiex ifittxu impjieg, kemm jekk impjegati u kemm jekk jaħdmu għal rashom.

Artikolu III-268

Il-politika ta' l-Unjoni stabbilita f'din is-Sezzjoni u l-implimentazzjoni tagħha għandha tiġi rregolata mill-prinċipju ta' solidarjetà u l-qsim ġust ta' responsabbiltà, inklużi l-implikazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri. Kull meta jkun meħtieġ, l-atti ta' l-Unjoni adottati skond din is-Sezzjoni għandhom jinkludu l-miżuri xierqa biex jagħtu effett lil dan il-prinċipju.

SEZZJONI 3

KOPERAZZJONI ĠUDIZZJARJA F'MATERJI ĊIVILI

Artikolu III-269

1.   L-Unjoni għandha tiżviluppa koperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili li jkollhom implikazzjonijiet transkonfinali, ibbażata fuq il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku ta' sentenzi u deċiżjonijiet f'każijiet ġudizzjarji u extraġudizzjarji. Din il-koperazzjoni tista' tinkludi l-adozzjoni ta' miżuri għall-approssimazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Istati Membri.

2.   Għall-għanijiet tal-paragrafu 1, liġi jew liġi kwadru Ewropea għandha tistabbilixxi miżuri, b'mod partikolari fejn ikunu meħtieġa għall-funzjonament kif suppost tas-suq intern, maħsuba biex jiżguraw:

a)

ir-rikonoxximent reċiproku u l-infuzar bejn Stati Membri ta' sentenzi u deċiżjonijiet f'każijiet ġudizzjarji u extraġudizzjarji;

b)

it-tifsir u n-notifika transkonfinali ta' dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji;

ċ)

il-kompatibilità tar-regoli applikabbli fl-Istati Membri dwar il-kunflitt ta' liġijiet u ta' ġurisdizzjoni;

d)

il-koperazzjoni biex jinkisbu l-provi;

e)

aċċess effettiv għall-ġustizzja;

f)

it-tneħħija ta' xkiel għall-funzjonament kif suppost ta' proċedimenti ċivili, jekk meħtieġ billi tkun promossa l-kompatibilità tar-regoli dwar il-proċedura ċivili applikabbli fl-Istati Membri;

g)

l-iżvilupp ta' metodi alternattivi biex jiġu riżolti l-kwistjonijiet;

h)

appoġġ għat-taħriġ tal-ġudikatura u l-persunal ġudizzjarju.

3.   Minkejja l-paragrafu 2, miżuri li jikkonċernaw il-liġi tal-familja b'implikazzjonijiet transkonfinali għandhom jiġu stabbiliti f'liġi jew liġi kwadru Ewropea tal-Kunsill. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew.

Il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jadotta deċiżjoni Ewropea li tiddetermina dawk l-aspetti tal-liġi tal-familja b'implikazzjonijiet transkonfinali li jistgħu jkunu s-suġġett ta' atti adottati bil-proċedura leġislattiva ordinarja. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew.

SEZZJONI 4

KOPERAZZJONI ĠUDIZZJARJA F'MATERJI KRIMINALI

Artikolu III-270

1.   Il-koperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali fl-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku ta' sentenzi u deċiżjonijiet ġudizzjarji u għandha tinkludi l-approssimazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Istati Membri fl-oqsma previsti fil-paragrafu 2 u fl-Artikolu III-271.

Liġi jew liġi kwadru Ewropea għandha tistabbilixxi miżuri sabiex:

a)

jistabbilixxu regoli u proċeduri biex jassiguraw ir-rikonoxximent fl-Unjoni kollha tal-forom kollha ta' sentenzi u deċiżjonijiet ġudizzjarji;

b)

jrażżnu u jirriżolvu konflitti ta' ġurisdizzjoni bejn l-Istati Membri;

ċ)

jiffavorixxi l-formazzjoni tal-ġudikatura u l-persunal ġudizzjarju;

d)

tiġi ffaċilitata l-koperazzjoni bejn awtoritajiet ġudizzjarji jew ekwivalenti ta' l-Istati Membri fir-rigward ta' proċeduri f'materji kriminali u l-infurzar tad-deċiżjonijiet.

2.   Sa fejn ikun meħtieġ sabiex jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent reċiproku ta' sentenzi u deċiżjonijiet ġudizzjarji u koperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f'materji kriminali li jkollhom dimensjoni transkonfinali, liġi kwadru Ewropea tista' tistabbilixxi regoli minimi. Dawn ir-regoli għandhom jieħdu in kunsiderazzjoni d-differenzi bejn it-tradizzjonijiet u s-sistemi legali ta' l-Istati Membri.

Huma għandhom jikkonċernaw:

a)

l-ammissibbiltà reċiproka ta' provi bejn l-Istati Membri;

b)

id-drittijiet ta' individwi fi proċedura kriminali;

ċ)

id-drittijiet ta' vittmi tal-kriminalità;

d)

kull aspett speċifiku ieħor tal-proċedura kriminali li l-Kunsill ikun identifika minn qabel b'deċiżjoni Ewropea; biex tiġi adottata din id-deċiżjoni, l-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jkun kiseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew.

L-adozzjoni tar-regoli minimi previsti f'dan il-paragrafu m'għandhiex iżomm lill-Istati Membri milli jżommu fis-seħħ jew idaħħlu livell ogħla ta' protezzjoni għall-individwi.

3.   Fejn membru tal-Kunsill jikkunsidra li abbozz ta' liġi kwadru Ewropea kif previst fil-paragrafu 2 jolqot xi aspetti fundamentali tas-sistema tal-ġustizzja kriminali tiegħu, jista' jitlob li l-abbozz tal-liġi kwadru jiġi mressaq quddiem il-Kunsill Ewropew. F'dan il-każ, il-proċedura prevista fl-Artikolu III-396 għandha tiġi sospiża. Wara diskussjoni, l-Kunsill Ewropew għandu, fi żmien 4 xhur minn din is-suspensjoni:

a)

jirreferi lura l-abbozz lill-Kunsill, li għandu jwaqqaf is-sospensjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu III-396, jew

b)

jitlob lill-Kummissjoni jew lill-grupp ta' Stati Membri li jkunu taw bidu għall-abbozz biex iressqu wieħed ġdid; f'dak il-każ, l-att li kien propost oriġinarjament għandu jitqies li ma jkunx ġie adottat.

4.   Jekk, sa l-aħħar tal-perijodu previst fil-paragrafu 3, jew ma tkunx ittieħdet azzjoni mill-Kunsill Ewropew jew inkella jekk, fi żmien 12-il xahar wara li jkun ġie mressaq abbozz ġdid taħt il-paragrafu 3(b), il-liġi kwadru Ewropea ma tkunx ġiet adottata, u mill-inqas terz ta' l-Istati Membri jixtiequ jistabbilixxu koperazzjoni msaħħa fuq bażi ta' l-abbozz tal-liġi kwadru konċernat, huma għandhom jinnotifikaw lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni b'dan.

F'dan il-każ, l-awtorizzazzjoni biex jipproċedu bil-koperazzjoni msaħħa prevista fl-Artikoli I-44(2) u III-419(1) għandha titqies li ngħatat u d-disposizzjonijiet dwar koperazzjoni msaħħa għandhom japplikaw.

Artikolu III-271

1.   Liġi kwadru Ewropea tista' tistabbilixxi regoli minimi dwar id-definizjoni ta' reati kriminali u ta' sanzjonijiet fiż-żoni ta' kriminalità partikolarment serji b'dimensjonijiet trans-konfini li jirriżultaw minn natura jew mill-impatt ta' dawn ir-reati jew minn ħtieġa speċjali li jiġu kumbattuti fuq bażi komuni.

Dawn l-oqsma ta' kriminalità huma li ġejjin: it-terroriżmu, t-traffikar ta' bnedmin u l-isfruttament sesswali ta' nisa u tfal, it-traffikar illeċitu ta' droga, t-traffiku illeċitu ta' armi, l-money laundering, il-korruzzjoni, l-falsifikazzjoni ta' mezzi ta' ħlas, il-kriminalità fl-informatika u kriminalità organizzata.

Fuq bażi ta' l-iżviluppi fil-kriminalità, il-Kunsill jista' jadotta deċiżjoni Ewropea li tidentifika oqsma oħra ta' kriminalità li jissodisfaw il-kriterji indikati f'dan il-paragrafu. Għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jkollu l-kunsens tal-Parlament Ewropew.

2.   Jekk jidher li l-approssimazzjoni tad-disposizzjonijiet leġislattivi u regolatorji ta' l-Istat Membru fil-qasam kriminali tkun indispensabbli sabiex tiġi assigurata l-implimentazzjoni effettiva ta' politika ta' l-Unjoni f'qasam li kien soġġett għall-miżuri ta' armonizzazzjoni, liġi kwadru Ewropea tista' tistabbilixxi regoli minimi fir-rigward tad-definizjoni ta' reati kriminali u ta' sanzjonijiet fil-qasam konċernat. Din il-liġi kwadru għandha tiġi adottata bl-istess proċedura li kienet użata għall-adozzjoni tal-miżuri ta' armonizzazzjoni in kwistjoni, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu III-264.

3.   Fejn membru tal-Kunsill jikkunsidra li abbozz ta' liġi kwadru Ewropea kif previst fil-paragrafu 2 jolqot xi aspetti fundamentali tas-sistema tal-ġustizzja kriminali tiegħu, jista' jitlob li l-abbozz tal-liġi kwadru jiġi mressaq quddiem il-Kunsill Ewropew. F'dan il-każ, il-proċedura prevista fl-Artikolu III-396 għandha tiġi sospiża. Wara diskussjoni, l-Kunsill Ewropew għandu, fi żmien 4 xhur minn din is-suspensjoni:

a)

jirreferi lura l-abbozz lill-Kunsill, li għandu jwaqqaf is-sospensjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu III-396 jekk applikabbli, jew

b)

jitlob lill-Kummissjoni jew lill-grupp ta' Stati Membri li jkunu taw bidu għall-abbozz, biex iressqu wieħed ġdid; f'dak il-każ, l-att li kien propost oriġinarjament għandu jitqies li ma jkunx ġie adottat.

4.   Jekk, sa l-aħħar tal-perijodu previst fil-paragrafu 3, il-Kunsill Ewropew ma jkunx aġixxa jew ma tkunx ittieħdet azzjoni mill-Kunsill Ewropew jew inkella jekk, fi żmien 12-il xahar wara li jkun ġie mressaq abbozz ġdid taħt il-paragrafu 3(b), il-liġi kwadru Ewropea ma tkunx ġiet adottata, u mill-inqas terz ta' l-Istati Membri jixtiequ jistabbilixxu koperazzjoni msaħħa fuq bażi ta' l-abbozz tal-liġi kwadru konċernat, huma għandhom jinnotifikaw lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni b'dan.

F'dan il-każ, l-awtorizzazzjoni biex jipproċedu bil-koperazzjoni msaħħa prevista fl-Artikoli I-44(2) u III-419(1) għandha titqies li ngħatat u d-disposizzjonijiet dwar koperazzjoni msaħħa għandhom japplikaw.

Artikolu III-272

Liġi jew liġi kwadru Ewropea tista' tistabbilixxi miżuri għall-promozzjoni u l-appoġġ ta' l-azzjoni ta' l-Istati Membri fil-qasam tal-prevenzjoni tal-kriminalità, bl-esklużjoni ta' kull armonizzazzjoni tal-liġijiet u regolamenti ta' l-Istati Membri.

Artikolu III-273

1.   Il-missjoni tal-Eurojust għandha tkun li ssostni u ssaħħaħ il-kordinazzjoni u l-koperazzjoni bejn awtoritajiet nazzjonali ta' investigazzjoni u prosekuzzjoni fir-rigward ta' kriminalità serja li tolqot żewġ Stati Membri jew aktar jew li teħtieġ prosekuzzjoni fuq sisien komuni, fuq bażi ta' operazzjonijiet immexxija u tagħrif mogħti mill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri u mill-Europol.

F'dan il-kuntest, il-liġi Ewropea għandha tiddetermina l-istruttura, l-funzjonament, il-kamp ta' azzjoni u l-kompiti tal-Eurojust. Dawk il-kompiti jistgħu jinkludu:

a)

il-bidu ta' investigazzjonijiet kriminali, kif ukoll proposta għall-bidu ta' prosekuzzjonijiet, immexxija minn awtoritajiet nazzjonali kompetenti, b'mod partikolari dawk relatati ma' reati kontra l-interessi finanzjarji ta' l-Unjoni;

b)

il-kordinazzjoni ta' investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet previsti fil-punt (a);

ċ)

it-tisħiħ ta' koperazzjoni ġudizzjarja, inkluża bir-riżoluzzjoni tal-kunflitti dwar il-ġurisdizzjoni u b'koperazzjoni mill-qrib mar-Rettikolat Ġudizzjarju Ewropew.

Din il-liġi Ewropea għandha wkoll tiddetermina arranġamenti biex il-Parlament Ewropew u l-Parlamenti nazzjonali jkunu nvoluti fil-valutazzjoni ta' l-attivitajiet tal-Eurojust.

2.   Fil-prosekuzzjonijiet previsti fil-paragrafu 1, u bla preġudizzju għall-Artikolu III-274, atti formali ta' proċedura ġudizzjarja għandhom jitwettqu mill-uffiċjali nazzjonali kompetenti.

Artikolu III-274

1.   Sabiex tiġi kumbattuta l-kriminalità li thedded l-interessi finanzjarji ta' l-Unjoni, liġi Ewropea tal-Kunsill tista' tistabbilixxi Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew mill-Eurojust. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jikseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew.

2.   L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għandu jkun responsabbli għall-investigazzjoni, l-prosekuzzjoni u t-tkomplija tal-kawża sad-deċiżjoni, fejn xieraq flimkien ma' l-Europol, ta' l-awturi ta' reati u l-kompliċi tagħhom li jolqtu l-interessi finanzjarji ta' l-Unjoni, kif determinat mil-liġi Ewropea prevista fil-paragrafu 1. Għandu jwettaq il-funzjonijiet ta' prosekutur fil-qrati kompetenti ta' l-Istati Membri fir-rigward ta' dawn ir-reati.

3.   Il-liġi Ewropea prevista fil-paragrafu 1 għandha tiddetermina r-regoli ġenerali applikabbli għall-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, il-kondizzjonijiet li jirregolaw it-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu, r-regoli ta' proċedura applikabbli għall-attivitajiet tiegħu, kif ukoll dawk li jirregolaw l-ammissibilità tal-provi, u r-regoli applikabbli għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-miżuri proċedurali meħuda minnu fit-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu.

4.   Il-Kunsill Ewropew jista', fl-istess ħin jew wara, jadotta deċiżjoni Ewropea li temenda l-paragrafu 1 sabiex twessa' l-poteri ta' l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew biex jinkludu l-kriminalità serja b'dimensjoni transkonfinali u li temenda b'dan il-mod il-paragrafu 2 fir-rigward ta' l-awturi u l-kompliċi ta' kriminalità serja li tolqot iktar minn Stat Membru wieħed. Il-Kunsill Ewropew għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jikseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew u wara li jikkonsulta l-Kummissjoni.

SEZZJONI 5

KOPERAZZJONI TAL-PULIZIJA

Artikolu III-275

1.   L-Unjoni għandha tistabbilixxi koperazzjoni tal-pulizija li tinvolvi l-awtoritajiet kompetenti kollha ta' l-Istati Membri, inkluża l-pulizija, s-servizzi tad-dwana u servizzi oħrajn ripressivi speċjalizzati fil-qasam tal-prevenzjoni jew tal-kxif ta' reati u ta' l-investigazzjonijiet tagħhom.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, liġi jew liġi kwadru Ewropea tista' tistabbilixxi miżuri li jikkonċernaw:

a)

il-ġabra, l-ħażna, l-ipproċessar, l-analiżi u l-iskambju ta' tagħrif rilevanti;

b)

sostenn għat-taħriġ tal-persunal, u koperazzjoni dwar l-iskambju tal-persunal, dwar tagħmir u dwar ir-riċerka fil-kriminalità;

ċ)

tekniċi investigattivi komuni biex jinkixfu forom serji ta' kriminalità organizzata.

3.   Liġi jew liġi kwadru Ewropea tal-Kunsill tista' tistabbilixxi miżuri li jikkonċernaw il-koperazzjoni fil-ħidma bejn l-awtoritajiet previsti f'dan l-Artikolu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew.

Artikolu III-276

1.   Il-missjoni tal-Europol għandha tkun li ssostni u ssaħħaħ azzjoni mill-awtoritajiet tal-pulizija u servizzi oħrajn ta' ripressivi ta' l-Istati Membri u l-koperazzjoni reċiproka tagħhom fit-trażżin u l-ġlieda kontra l-kriminalità serja li tolqot żewġ Stati Membri jew iktar, it-terroriżmu u l-forom ta' kriminalità li jolqtu interess komuni kopert mill-politika ta' l-Unjoni.

2.   Il-liġi Ewropea għandha tiddetermina l-istruttura, il-funzjonament, il-kamp ta' azzjoni u l-kompiti tal-Europol. Dawn il-kompiti jistgħu jinkludu:

a)

il-ġabra, l-ħażna, l-ipproċessar, l-analiżi u l-iskambju ta' tagħrif mgħoddi partikolarment mill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri jew ta' pajjiżi jew korpi terzi;

b)

il-kordinazzjoni, l-organizzazzjoni u l-implimentazzjoni ta' azzjoni investigattiva u operattiva mwettqa flimkien ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri jew fil-kuntest ta' gruppi investigattivi konġunti, meta xieraq flimkien mal-Eurojust.

Din il-liġi għandha wkoll tistabbilixxi l-proċeduri għal skrutinju ta' l-attivitajiet tal-Europol mill-Parlament Ewropew, flimkien mal-Parlamenti nazzjonali.

3.   Kull azzjoni operattiva mill-Europol għandha titwettaq flimkien u bi ftehim ma' l-awtoritajiet ta' l-Istati Membri li t-territorju tagħhom huwa konċernat. L-applikazzjoni ta' miżuri ta' forza għandha tkun ir-responsabbiltà esklużiva ta' l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

Artikolu III-277

Liġi jew liġi kwadru Ewropea tal-Kunsill għandha tistabbilixxi l-kondizzjonijiet u l-limitazzjonijiet li taħthom l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri previsti fl-Artikoli III-270 u III-275 jistgħu joperaw fit-territorju ta' Stat Membru ieħor flimkien, u bi ftehim ma', l-awtoritajiet ta' dak l-Istat. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew.

KAPITOLU V

L-OQSMA FEJN L-UNJONI TISTA' TIDDEĊIEDI LI TIEĦU AZZJONI TA' SOSTENN, TA' KORDINAZZJONI JEW KUMPLIMENTARI

SEZZJONI 1

IS-SAĦĦA PUBBLIKA

Artikolu III-278

1.   Għandu jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fid-definizjoni u fl-implimentazzjoni tal-politika u l-attivitajiet kollha ta' l-Unjoni.

Azzjoni mill-Unjoni, li għandha tikkumplimenta l-politika nazzjonali, għandha l-għan li ttejjeb is-saħħa pubblika, kif ukoll trażżan il-mard u l-infezzjonijiet tal-bniedem u l-kawżi ta' perikolu għas-saħħa fiżika u mentali. Din l-azzjoni għandha tkopri wkoll:

a)

il-ġlieda kontra l-ikbar flaġelli għas-saħħa, billi tippromwovi riċerka dwar il-kawżi tagħhom, it-trasmissjoni tagħhom u l-prevenzjoni tagħhom, kif ukoll l-informazzjoni u l-edukazzjoni dwar is-saħħa;

b)

il-kontroll ta' theddid transkonfinali serju għas-saħħa, l-allert fuq dan it-theddid u l-ġlieda kontrihom.

L-Unjoni għandha tikkumplimenta l-azzjoni ta' l-Istati Membri fit-tnaqqis ta' l-effetti ta' ħsara għas-saħħa mid-droga, inklużi t-tagħrif u l-prevenzjoni.

2.   L-Unjoni għandha tħeġġeġ koperazzjoni bejn l-Istati Membri fl-oqsma previsti f'dan l-Artikolu u, jekk meħtieġ, tagħti sostenn għall-azzjoni tagħhom. B'mod partikolari għandha tħeġġeġ koperazzjoni bejn l-Istati Membri sabiex titjieb il-komplimentarjetà tas-servizzi tas-saħħa tagħhom fir-reġjuni ta' fruntiera.

L-Istati Membri għandhom, flimkien mal-Kummissjoni, jikkordinaw bejniethom il-politika u programmi tagħhom fl-oqsma previsti fil-paragrafu 1. Il-Kummissjoni tista', f'kuntatt mill-qrib ma' l-Istati Membri, tieħu kull inizjattiva utli biex tippromwovi din il-kordinazzjoni, b'mod partikolari inizjattivi maħsuba għall-istabbiliment ta' linji gwida u indikaturi, l-organizzazzjoni ta' l-iskambju ta' l-aħjar prattika, u t-tħejjija ta' l-elementi meħtieġa għall-kontroll u l-valutazzjoni perjodiċi. Il-Parlament Ewropew għandu jinżamm kompletament infurmat.

3.   L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jiffavorixxu l-koperazzjoni ma' pajjiżi terzi u ma' l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fil-qasam tas-saħħa pubblika.

4.   B'deroga mill-Artikolu I-12(5) u l-Artikolu I-17(a) u skond l-Artikolu I-14(2)(k), liġi jew liġi kwadru Ewropea għandha tikkontribwixxi sabiex jinkisbu l-għanijiet previsti f'dan l-Artikolu billi tistabbilixxi l-miżuri li ġejjin sabiex jiġu affrontati l-problemi komuni dwar is-sigurtà:

a)

miżuri li joħolqu standards għolja ta' kwalità u sigurtà fir-rigward ta' organi u sustanzi ta' oriġini umana, demm u derivati tad-demm; dawn il-miżuri m'għandhomx jimpedixxu l-ebda Stat Membru milli jżomm fis-seħħ jew idaħħal miżuri protettivi aktar stretti;

b)

miżuri fl-oqsma veterinarji u fitosanitarji li għandhom bħala l-għan dirett tagħhom il-protezzjoni tas-saħħa pubblika;

ċ)

miżuri li jistabbilixxu standards għolja ta' kwalità u sigurtà għall-prodotti mediċinali u t-tagħmir għall-użu mediku;

d)

miżuri dwar il-kontroll, l-allert u l-ġlieda kontra theddid serju transkonfinali għas-saħħa.

Din il-liġi jew liġi kwadru Ewropea għandha tiġi adottata wara konsultazzjoni mal-Kumitat tar-Reġjuni u mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali.

5.   Liġi jew liġi kwadru Ewropea tista' wkoll tistabbilixxi miżuri għal inċentivi maħsuba biex iħarsu s-saħħa umana u b'mod partikolari għall-ġlieda kontra l-ikbar flaġelli transkonfinali għas-saħħa, kif ukoll miżuri li għandhom bħala għan dirett il-protezzjoni tas-saħħa pubblika fir-rigward tat-tabakk u l-abbuż ta' l-alkoħol, eskluża kull armonizzazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Istati Membri. Għandha tiġi adottata wara konsultazzjoni mal-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali.

6.   Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' wkoll jadotta rakkomandazzjonijiet.

7.   Azzjoni ta' l-Unjoni għandha tirrispetta ir-responsabbiltajiet ta' l-Istati Membri għad-definizjoni tal-politika tagħhom tas-saħħa u għall-organizzazzjoni u l-forniment ta' servizzi tas-saħħa u tal-kura medika. Ir-responsabbiltajiet ta' l-Istati Membri għandhom jinkludu l-amministrazzjoni tas-servizzi tas-saħħa u tal-kura medika u l-allokazzjoni tar-riżorsi assenjati lilhom. Dawn il-miżuri previsti fil-paragrafu 4(a) m'għandhomx jolqtu disposizzjonijiet nazzjonali dwar id-donazzjoni jew l-użu ta' organi u demm għal skop mediku.

SEZZJONI 2

INDUSTRIJA

Artikolu III-279

1.   L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jassiguraw li jeżistu l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-kompetittività ta' l-industrija ta' l-Unjoni.

Għal dak il-għan, skond sistema ta' swieq miftuħa u kompetittivi, l-azzjoni tagħhom għandha tkun immirata lejn:

a)

li jitħaffef l-aġġustament ta' l-industrija għal bidliet strutturali;

b)

l-inkoraġġiment ta' ambjent favorevoli għall-inizjattiva u għall-iżvilupp ta' intrapriżi fl-Unjoni kollha, partikolarment intrapriżi żgħar u ta' daqs medju;

ċ)

l-inkoraġġiment ta' ambjent favorevoli għal koperazzjoni bejn intrapriżi;

d)

li jiffavorixxu l-aħjar sfruttament tal-potenzjal industrijali tal-politika ta' innovazzjoni, riċerka u żvilupp teknoloġiku.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lil xulxin flimkien mal-Kummissjoni u, meta meħtieġ, għandhom jikkordinaw l-azzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni tista' tieħu kull inizjattiva utli sabiex tippromwovi din il-kordinazzjoni, b'mod partikolari inizjattivi li jimmiraw għall-istabbiliment ta' linji gwida u indikaturi, l-organizzazzjoni ta' skambju ta' l-aħjar prattika, u t-tħejjija ta' l-elementi meħtieġa għall-kontroll u l-valutazzjonijiet perjodiċi. Il-Parlament Ewropew għandu jinżamm kompletament infurmat.

3.   L-Unjoni għandha tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 permezz tal-politika u l-attivitajiet li twettaq taħt disposizzjonijiet oħra tal-Kostituzzjoni. Liġi jew liġi kwadru Ewropea tista' tistabbilixxi miżuri speċifiċi bħala sostenn għall-azzjoni meħuda fl-Istati Membri sabiex jintlaħqu l-miri stabbiliti fil-paragrafu 1, bl-esklużjoni ta' kull armonizzazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Istati Membri. Għandha tiġi adottata wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali.

Din is-Sezzjoni m'għandhiex tipprovdi bażi biex l-Unjoni ddaħħal xi miżura li tista' twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni jew li jkun fiha disposizzjonijiet tat-taxxa jew disposizzjonijiet dwar id-drittijiet u l-interessi ta' ħaddiema impjegati.

SEZZJONI 3

KULTURA

Artikolu III-280

1.   L-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-fjoritura tal-kulturi ta' l-Istati Membri, waqt li tirrispetta d-diversità nazzjonali u reġjonali tagħhom u fl-istess ħin tirriżalta l-patrimonju kulturali komuni.

2.   L-azzjoni mill-Unjoni għandha tkun immirata biex tħeġġeġ koperazzjoni bejn Stati Membri u, jekk ikun meħtieġ, biex tappoġġa u biex tikkumplimenta l-azzjoni tagħhom fl-oqsma li ġejjin:

a)

it-titjib ta' l-għarfien u t-tixrid tal-kultura u l-istorja tal-popli Ewropej;

b)

il-konservazzjoni u s-salvagwardja tal-patrimonju kulturali ta' importanza Ewropea;

ċ)

l-iskambji kulturali mhux kummerċjali;

d)

il-ħolqien artistiku u litterarju, inkluż is-settur awdjoviżiv.

3.   L-unjoni u l-istati membri għandhom jinkoraġġixxu koperazzjoni ma' pajjiżi terzi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fil-qasam tal-kultura, b'mod partikolari l-kunsill ta' l-ewropa.

4.   L-Unjoni għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-aspetti kulturali fl-azzjoni tagħha taħt disposizzjonijiet oħra tal-Kostituzzjoni, b'mod partikolari sabiex tirrispetta u tippromwovi d-diversità tal-kulturi tagħha.

5.   Sabiex tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-miri previsti f'dan l-Artikolu:

a)

Liġi jew liġi kwadru Ewropea għandha tistabbilixxi miżuri ta' inċentiv, bl-esklużjoni ta' kull armonizzazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Istati Membri. Għandha tiġi adottata wara konsultazzjoni mal-Kumitat tar-Reġjuni;

b)

il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta rakkomandazzjonijiet.

SEZZJONI 4

TURIŻMU

Artikolu III-281

1.   L-Unjoni għandha tikkumplimenta l-azzjoni ta' l-Istati Membri fil-qasam tat-turiżmu, b'mod partikolari billi tippromwovi l-kompetittività ta' l-impriżi ta' l-Unjoni f'dak is-settur.

Għal dan il-għan, l-azzjoni ta' l-Unjoni għandha timmira biex:

a)

tinkoraġġixxi l-ħolqien ta' ambjent favorevoli għall-iżvilupp ta' impriżi f'dan is-settur;

b)

tippromwovi l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri, b'mod partikolari bl-iskambju ta' prattika tajba.

2.   Liġi jew liġi kwadru Ewropea għandha tistabbilixxi miżuri partikolari sabiex jikkumplimentaw l-azzjonijiet fl-Istati Membri sabiex jintlaħqu l-miri previsti f'dan l-Artikolu, bl-esklużjoni ta' kull armonizzazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Istati Membri.

SEZZJONI 5

EDUKAZZJONI, ŻGĦAŻAGĦ, SPORT U FORMAZZJONI PROFESSJONALI

Artikolu III-282

1.   L-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' edukazzjoni ta' kwalità billi tinkoraġġixxi koperazzjoni bejn Stati Membri u, jekk meħtieġ, billi ssostni u tikkumplimenta l-azzjoni tagħhom. Għandha tirrispetta bis-sħiħ ir-responsabbiltà ta' l-Istati Membri għall-kontenut tat-tagħlim u l-organizzazzjoni ta' sistemi edukattivi u d-diversità kulturali u lingwistika tagħhom.

L-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-promozzjoni ta' materji sportivi Ewropej, waqt li tieħu in kunsiderazzjoni n-natura speċjali tagħhom, l-istrutturi tagħhom bbażati fuq attività volontarja u l- funzjoni soċjali u edukattiva tagħhom.

L-azzjoni ta' l-Unjoni għandha timmira għal:

a)

l-iżvilupp tad-dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni, b'mod partikolari permezz tat-tagħlim u t-tixrid tal-lingwi ta' l-Istati Membri;

b)

l-inkoraġġiment tal-mobilità ta' studenti u għalliema, inter alia billi jiġi mħeġġeġ ir-rikonoxximent akkademiku ta' diplomi u perijodi ta' studju;

ċ)

il-promozzjoni ta' koperazzjoni bejn stabbilimenti edukattivi;

d)

l-iżvilupp ta' skambji ta' informazzjoni u esperjenza dwar kwistjonijiet komuni għas-sistemi edukattivi ta' l-Istati Membri;

e)

l-inkoraġġiment ta' l-iżvilupp ta' skambji ta' żgħażagħ u ta' skambji ta' animaturi soċjo-edukattivi u l-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika Ewropea;

f)

l-inkoraġġiment ta' l-iżvilupp ta' edukazzjoni mill-bogħod;

g)

l-iżvilupp tad-dimensjoni Ewropea fl-isport, billi tkun promossa l-ekwità u t-trasparenza fil-kompetizzjonijiet sportivi u l-koperazzjoni bejn il-korpi responsabbli għall-isport, u billi tkun protetta l-integrità fiżika u morali ta' l-isportivi, speċjalment ta' l-isportivi żgħażagħ.

2.   L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-koperazzjoni ma' pajjiżi terzi u ma' l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fil-qasam ta' l-edukazzjoni u l-isport, b'mod partikolari l-Kunsill ta' l-Ewropa.

3.   Sabiex jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-miri previsti f'dan l-Artikolu:

a)

liġi jew liġi kwadru Ewropea għandha tistabbilixxi miżuri ta' inċentiv, bl-esklużjoni ta' kull armonizzazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Istati Membri. Għandha tiġi adottata wara konsultazzjoni mal-Kumitat tar-Reġjuni u mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali;

b)

il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta rakkomandazzjonijiet.

Artikolu III-283

1.   L-Unjoni għandha timplimenta politika ta' formazzjoni professjonali li għandha ssostni u tikkumplimenta l-azzjoni ta' l-Istati Membri, waqt li tirrispetta kompletament ir-responsabbiltà ta' l-Istati Membri għall-kontenut u l-organizzazzjoni ta' formazzjoni professjonali.

L-azzjoni ta' l-Unjoni għandha timmira biex:

a)

tiffaċilita l-adattament għall-bidla industrijali, b'mod partikolari permezz ta' formazzjoni professjonali u taħriġ mill-ġdid;

b)

ittejjeb il-formazzjoni professjonali tal-bidu u li jkompli sabiex tiffaċilita l-integrazzjoni professjonali u l-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol;

ċ)

tiffaċilita l-aċċess għall-formazzjoni professjonali u tinkoraġġixxi l-mobilità ta' min iħarreġ u dawk li qed jitħarrġu, partikolarment żgħażagħ;

d)

tistimola koperazzjoni fuq it-taħriġ bejn stabbilimenti u intrapriżi ta' tagħlim u ta' formazzjoni professjonali;

e)

tiżviluppa skambji ta' informazzjoni u esperjenza dwar kwistjonijiet komuni għas-sistemi ta' taħriġ ta' l-istati membri.

2.   L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu koperazzjoni ma' pajjiżi terzi u l-organizzazzjonijiet kompetenti internazzjonali fl-isfera tal-formazzjoni professjonali.

3.   Sabiex jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-miri previsti f'dan l-Artikolu:

a)

liġi jew liġi kwadru Ewropea għandha tistabbilixxi l-miżuri meħtieġa, bl-esklużjoni ta' kull armonizzazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Istati Membri. Għandha tiġi adottata wara konsultazzjoni mal-Kumitat tar-Reġjuni u mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali;

b)

il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta rakkomandazzjonijiet.

SEZZJONI 6

PROTEZZJONI ĊIVILI

Artikolu III-284

1.   L-Unjoni għandha tinkoraġġixxi koperazzjoni bejn l-Istati Membri sabiex ittejjeb l-effikaċja ta' sistemi għall-prevenzjoni ta' diżastri naturali jew ikkaġunati mill-bniedem u l-protezzjoni minnhom.

L-azzjoni ta' l-Unjoni għandha timmira biex:

a)

tappoġġa u tikkumplimenta l-azzjoni ta' l-Istati Membri fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali fil-prevenzjoni ta' riskju, fil-preparazzjoni tal-persunal tagħhom tal-protezzjoni ċivili u fl-intervenzjoni f'każ ta' diżastri naturali jew ikkaġunati mill-bniedem fl-Unjoni;

b)

tippromwovi koperazzjoni operazzjonali svelta u effettiva fl-Unjoni bejn servizzi nazzjonali ta' protezzjoni ċivili;

ċ)

tippromwovi l-koerenza fil-ħidma internazzjonali ta' protezzjoni ċivili.

2.   Liġi jew liġi kwadru Ewropea għandhom tistabbilixxi l-miżuri neċessarji li jikkontribwixxu għall-kisba tal-miri previsti fil-paragrafu 1, bl-esklużjoni ta' kull armonizzazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Istati Membri.

SEZZJONI 7

KOPERAZZJONI AMMINISTRATTIVA

Artikolu III-285

1.   L-implimentazzjoni effikaċi nazzjonali tad-dritt ta' l-Unjoni mill-Istati Membri, li hija essenzjali għall-funzjonament tajjeb ta' l-Unjoni, għandha titqies bħala kwistjoni ta' interess komuni.

2.   L-Unjoni tista' ssostni l-isforzi ta' l-Istati Membri biex ittejbu l-kapaċità amministrattiva tagħhom fl-implimentazzjoni tad-dritt ta' l-Unjoni. Din l-azzjoni tista' tinkludi li l-iskambju ta' informazzjoni u tal-impjegati fis-servizz ċivili jkun faċilitat kif ukoll skemi ta' appoġġ għal taħriġ. L-ebda Stat Membru ma hu marbut li jagħmel użu minn dan l-appoġġ. Il-liġi Ewropea għandha tistabbilixxi l-miżuri meħtieġa għal dan l-iskop, bl-esklużjoni ta' kull armonizzazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Istati Membri.

3.   Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta' l-Istati Membri li jimplimentaw id-dritt ta' l-Unjoni jew għall-prerogattivi u d-dmirijiet tal-Kummissjoni. Għandu wkoll ikun mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijiet oħra tal-Kostituzzjoni li jipprovdu għal koperazzjoni amministrattiva fost l-Istati Membri u bejnhom u l-Unjoni.

TITOLU IV

ASSOĊJAZZJONI TAL-PAJJIŻI U T-TERRITORJI EXTRA-EWROPEJ

Artikolu III-286

1.   Il-pajjiżi u t-territorji mhux Ewropej li għandhom relazzjonijiet speċjali mad-Danimarka, Franza, l-Olanda u r-Renju Unit għandhom ikunu assoċjati ma' l-Unjoni. Dawn il-pajjiżi u t-territorji (minn hawn il-quddiem imsejħa “l-pajjiżi u t-territorji”) huma elenkati fl-Anness II.

Dan it-titolu għandu japplika għall-Groenlandja, bla ħsara għad-disposizzjonijiet partikolari tal-Protokoll dwar arranġamenti speċjali għall-Groenlandja.

2.   L-iskop ta' assoċjazzjoni għandu jkun li jippromwovi l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-pajjiżi u t-territorji u sabiex jiġu stabbiliti relazzjonijiet ekonomiċi mill-qrib bejniethom u l-Unjoni.

L-assoċjazzjoni għandha sservi primarjament sabiex tiffavorixxi l-interessi ta' l-abitanti ta' dawn il-pajjiżi u t-territorji u l-prosperità tagħhom sabiex twassalhom għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali u kulturali li jaspiraw għalih.

Artikolu III-287

L-assoċjazzjoni għandha l-miri li ġejjin:

a)

Stati Membri għandhom japplikaw għall-kummerċ tagħhom ma' pajjiżi u territorji l-istess trattament li jagħtu lil xulxin skond il-Kostituzzjoni;

b)

kull pajjiż jew territorju għandu japplika għall-kummerċ tiegħu ma' Stati Membri u mal-pajjiżi u t-territorji l-oħrajn l-istess trattament bħal dak li japplika għall-Istat Ewropew li miegħu għandu relazzjonijiet speċjali;

ċ)

Stati Membri għandhom jikkontribwixxu għall-investimenti meħtieġa għall-iżvilupp progressiv ta' dawn il-pajjiżi u t-territorji;

d)

għal investimenti ffinanzjati mill-Unjoni, parteċipazzjoni f'offerti u provvisti għandha tkun miftuħa fuq kondizzjonijiet ugwali għall-persuni kollha fiżiċi u ġuridiċi li huma ċittadini ta' Stat Membru jew ta' wieħed mill-pajjiżi u t-territorji;

e)

fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi u t-territorji, d-dritt ta' stabbiliment ta' ċittadini u kumpanniji jew ditti għandu jkun irregolat skond id-disposizzjonijiet tas-Subsezzjoni 2 tas-Sezzjoni 2 tal-Kapitolu I tat-Titolu III dwar id-dritt ta' stabbiliment u billi jiġu applikati l-proċeduri previsti f'dik is-Subsezzjoni, kif ukoll fuq bażi mhux diskriminatorja, bla ħsara għal kwalunkwe att adottat skond l-Artikolu III-291.

Artikolu III-288

1.   Dazji doganali fuq importazzjonijiet fl-Istati Membri ta' merkanzija li toriġina fil-pajjiżi u t-territorji għandhom jiġu pprojbiti bi qbil mal-projbizzjoni ta' dazji doganali bejn l-Istati Membri previsti mill-Kostituzzjoni.

2.   Dazji doganali fuq importazzjonijiet f'kull pajjiż jew territorju mill-Istati Membri jew mill-pajjiżi jew it-territorji oħra għandhom jiġu pprojbiti skond l-Artikolu III-151(4).

3.   Il-pajjiżi u t-territorji jistgħu, madanakollu, jimponu dazji doganali li jissodisfaw il-ħtiġiet ta' l-iżvilupp u l-industrijalizzazzjoni tagħhom jew li jipproduċu dħul għall-budgets tagħhom.

Id-dazji previsti fl-ewwel subparagrafu ma jistgħux jeċċedu l-livell ta' dawk imposti fuq importazzjonijiet ta' prodotti mill-Istat Membru li miegħu kull pajjiż jew territorju għandu relazzjonijiet speċjali.

4.   Il-paragrafu 2 m' għandux japplika għal pajjiżi u territorji li, għar-raġuni ta' l-obbligi internazzjonali partikolari li huma marbuta bihom, diġà japplikaw tariffa doganali mhux diskriminatorja.

5.   L-introduzzjoni ta' jew kull bidla fid-dazji doganali imposti fuq merkanzija importata fil-pajjiżi u t-territorji m'għandhiex, jew fil-liġi jew bil-fatt, toħloq xi diskriminazzjoni diretta jew indiretta bejn importazzjonijiet mid-diversi Stati Membri.

Artikolu III-289

Jekk il-livell tad-dazji applikabbli fuq merkanzija minn pajjiż terz mad-dħul f'pajjiż jew territorju, huwa ta' natura tali li, meta jiġi applikat l-Artikolu III-288(1), jipprovoka devjazzjoni tal-kummerċ għad-detriment ta' xi Stat Membru, dan ta' l-aħħar jista' jitlob lill-Kummissjoni biex tipproponi lill-Istati Membri l-oħra li jieħdu l-miżuri neċessarji biex jirrimedjaw is-sitwazzjoni.

Artikolu III-290

Bla ħsara għad-disposizzjonijiet rigward is-saħħa pubblika, s-sigurtà pubblika jew l-ordni pubbliku, l-libertà ta' moviment fl-Istati Membri ta' ħaddiema mill-pajjiżi u t-territorji, u fil-pajjiżi u t-territorji ta' ħaddiema minn Stati Membri, għandha tiġi regolata b'atti adottati skond l-Artikolu III-291.

Artikolu III-291

Il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jadotta b'mod unanimu, fuq bażi ta' l-esperjenza miksuba taħt l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji ma' l-Unjoni, liġijiet, liġijiet kwadru, regolamenti u deċiżjonijiet Ewropej fir-rigward tar-regoli dettaljati u l-proċedura għall-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji ma' l-Unjoni. Dawn il-liġijiet u l-liġijiet kwadru għandhom jiġu adottati wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew.

TITOLU V

AZZJONI ESTERNA TA' L-UNJONI

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET TA' APPLIKAZZJONI ĠENERALI

Artikolu III-292

1.   L-azzjoni ta' l-Unjoni fix-xena internazzjonali għandha tiġi ggwidata mill-prinċipji li jispiraw il-ħolqien, l-iżvilupp u t-tkabbir tagħha u li tfittex li tavvanza fil-bqija tad-dinja: d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, r-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji ta' l-ugwaljanza u s-solidarjetà, u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dritt internazzjonali.

L-Unjoni għandha tfittex li tiżviluppa relazzjonijiet u tibni sħubija ma' pajjiżi terzi, u organizzazzjonijiet reġjonali jew globali internazzjonali, li jaqsmu l-prinċipji previsti fl-ewwel subparagrafu. Għandha tippromwovi soluzzjonijiet multilaterali għal problemi komuni, b'mod partikolari fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti.

2.   L-Unjoni għandha tiddefinixxi u twettaq politika u azzjonijiet komuni, u għandha taħdem għal grad għoli ta' koperazzjoni fl-oqsma kollha ta' relazzjonijiet internazzjonali, sabiex:

a)

tissalvagwardja l-valuri tagħha, l-interessi fundamentali, s-sigurtà, l-indipendenza u l-integrità;

b)

tikkonsolida u tappoġga d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali;

ċ)

tippreserva l-paċi, tipprevjeni kunflitti u ssaħħaħ is-sigurtà internazzjonali skond l-għanijiet u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, mal-prinċipji ta' l-Att Finali ta' Helsinki u ma' l-għanijiet tal-Karta ta' Pariġi, inklużi dawk li jirrigwardaw il-fruntieri esterni;

d)

tagħti appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli ekonomiku, soċjali u ambjentali ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw, bl-iskop primarju li jinqered il-faqar;

e)

tinkoraġġixxi l-integrazzjoni tal-pajjiżi kollha fl-ekonomija dinjija, inkluża t-tneħħija progressiva ta' restrizzjonijiet fuq il-kummerċ internazzjonali;

f)

tgħin biex jiġu żviluppati miżuri internazzjonali sabiex tiġi ppreservata u titjieb il-kwalità ta' l-ambjent u l-amministrazzjoni sostenibbli ta' riżorsi naturali globali, sabiex jiġi assigurat żvilupp sostenibbli;

g)

tassisti popolazzjonijiet, pajjiżi u reġjuni kkonfrontati b'diżastri naturali jew ikkaġunati mill-bniedem; u

h)

tippromwovi sistema internazzjonali bbażata fuq il-koperazzjoni multilaterali msaħħa u t-tmexxija globali tajba.

3.   L-Unjoni għandha tirrispetta l-prinċipji u twettaq il-miri stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' l-oqsma differenti ta' l-azzjoni esterna ta' l-Unjoni koperti b'dan it-Titolu u l-aspetti esterni ta' politika oħra ta' l-Unjoni.

L-Unjoni għandha tassigura koerenza bejn l-oqsma differenti ta' l-azzjoni esterna tagħha u bejn dawn u l-politika l-oħra tagħha. Il-Kunsill u l-Kummissjoni, assistiti mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni, għandhom jassiguraw dik il-koerenza u għandhom jikkoperaw għal dan il-għan.

Artikolu III-293

1.   Fuq bażi tal-prinċipji u l-miri stabbiliti fl-Artikolu III-292, il-Kunsill Ewropew għandu jidentifika l-interessi u l-miri strateġiċi ta' l-Unjoni.

Deċiżjonijiet Ewropej tal-Kunsill Ewropew dwar l-interessi u l-miri strateġiċi ta' l-Unjoni għandhom jirrelataw għall-politika estera u ta' sigurtà komuni u għal oqsma oħra ta' azzjoni esterna ta' l-Unjoni. Dawn id-deċiżjonijiet jistgħu jikkonċernaw ir-relazzjonijiet ta' l-Unjoni ma' pajjiż jew reġjun speċifiku jew jistgħu jkunu tematiċi fl-approċċ. Għandhom jiddefinixxu d-dewmien tagħhom, u l-mezzi li għandhom isiru disponibbli mill-Unjoni u l-Istati Membri.

Il-Kunsill Ewropew għandu jaġixxi b'mod unanimu fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill, adottata minn dan ta' l-aħħar taħt l-arranġamenti stabbiliti għal kull qasam. Deċiżjonijiet Ewropej tal-Kunsill Ewropew għandhom jiġu implimentati skond il-proċeduri previsti mill-Kostituzzjoni.

2.   Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni, għall-qasam tal-politika estera u ta' sigurtà komuni, u l-Kummissjoni, għal oqsma oħra ta' azzjoni esterna, jistgħu jissottomettu proposti konġunti lill-Kunsill.

KAPITOLU II

POLITIKA ESTERA U TA' SIGURTÀ KOMUNI

SEZZJONI 1

DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI

Artikolu III-294

1.   Fil-kuntest tal-prinċipji u l-miri ta' l-azzjoni esterna, l-Unjoni għandha tiddefinixxi u timplimenta politika estera u ta' sigurtà komuni li tkopri l-oqsma kollha ta' politika estera u ta' sigurtà.

2.   L-Istati Membri għandhom jappoġġaw il-politika estera u ta' sigurtà komuni attivament u mingħajr riservi fi spirtu ta' lealtà u solidarjetà reċiproka.

L-Istati Membri għandhom jaħdmu flimkien biex itejjbu u jiżviluppaw is-solidarjetà politika reċiproka tagħhom. Għandhom iżommu lura minn kull azzjoni li hi kuntrarja għall-interessi ta' l-Unjoni jew li x'aktarx tkun ta' impediment għall-effikaċja tagħha bħala forza koeżiva f'relazzjonijiet internazzjonali.

Il-Kunsill u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni għandhom jassiguraw li dawn il-prinċipji huma mħarsa.

3.   L-Unjoni għandha tmexxi l-politika estera u ta' sigurtà komuni billi:

a)

tiddefinixxi l-linji gwida ġenerali;

b)

tadotta deċiżjonijiet Ewropej li jiddefinixxu:

i)

l-azzjonijiet li jridu jittieħdu mill-Unjoni;

ii)

il-posizzjonijiet li jridu jittieħdu mill-Unjoni;

iii)

l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet Ewropej previsti fil-punti (i) u (ii);

ċ)

issaħħaħ il-koperazzjoni sistematika bejn l-Istati Membri fit-tmexxija tal-politika.

Artikolu III-295

1.   Il-Kunsill Ewropew għandu jiddefinixxi l-linji gwida ġenerali għall-politika estera u ta' sigurtà komuni, inklużi dawk għal kwistjonijiet b'implikazzjonijiet għad-difiża.

Jekk żviluppi internazzjonali jeħtieġu hekk, il-President tal-Kunsill Ewropew għandu jsejjaħ laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew sabiex jiddefinixxi l-linji strateġiċi tal-politika ta' l-Unjoni quddiem biex jieħdu in kunsiderazzjoni l-iżviluppi.

2.   Il-Kunsill għandu jadotta d-deċiżjonijiet Ewropej neċessarji għad-definizjoni u l-implimentazzjoni tal-politika estera u ta' sigurtà komuni fuq bażi tal-linji gwida ġenerali u l-linji strateġiċi definiti mill-Kunsill Ewropew.

Artikolu III-296

1.   Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni, li għandu jippresjedi l-Kunsill ta' l-Affarijiet Barranin, għandu jikkontribwixxi permezz tal-proposti tiegħu għall-preparazzjoni tal-politika estera u ta' sigurtà komuni u għandu jassigura l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet Ewropej adottati mill-Kunsill Ewropew u mill-Kunsill.

2.   Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin għandu jirrappreżenta lill-Unjoni f'materji li għandhom x'jaqsmu mal-politika estera u ta'sigurtà komuni. Għandu jmexxi djalogu politiku ma' partijiet terzi għan-nom ta' l-Unjoni u għandu jesprimi l-posizzjoni ta' l-Unjoni f'organizzazzjonijiet internazzjonali u f'konferenzi internazzjonali.

3.   Fit-twettiq tal-mandat tiegħu, l-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni għandu jiġi mgħejjun minn Servizz Ewropew ta' Azzjoni Esterna. Dan is-servizz għandu jaħdem f'koperazzjoni mas-servizzi diplomatiċi ta' l-Istati Membri u għandu jinkludi uffiċjali mid-dipartimenti rilevanti tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u tal-Kummissjoni kif ukoll persunal issekondat mis-servizzi diplomatiċi nazzjonali ta' l-Istati Membri. L-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew ta' Azzjoni Esterna għandu jiġi stabbilit b'deċiżjoni Ewropea tal-Kunsill. Il-Kunsill għandu jaġixxi fuq proposta mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew u wara li jikseb l-approvazzjoni tal-Kummissjoni.

Artikolu III-297

1.   Meta s-sitwazzjoni internazzjonali teħtieġ azzjoni operattiva mill-Unjoni, l-Kunsill għandu jadotta d-deċiżjonijiet Ewropej neċessarji. Dawn id-deċiżjonijiet għandhom jistabbilixxu l-miri, l-kamp ta' l-applikazzjoni, l-mezzi li għandhom ikunu disponibbli għall-Unjoni, jekk neċessarju t-tul ta' żmien, u l-kondizzjonijiet għall-implimentazzjoni ta' l-azzjoni.

Jekk ikun hemm bidla fiċ-ċirkostanzi li jkollha effett sostanzjali fuq kwistjoni soġġetta għal deċiżjoni Ewropea, l-Kunsill għandu jirrevedi l-prinċipju u l-miri ta' dik id-deċiżjoni u jadotta d-deċiżjonijiet Ewropej neċessarji.

2.   Id-deċiżjonijiet Ewropej msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jorbtu lill-Istati Membri fil-posizzjonijiet li jadottaw u fil-ġestjoni ta' l-azzjoni tagħhom.

3.   Kull darba li jkun hemm pjan li tittieħed posizzjoni nazzjonali jew azzjoni nazzjonali skond id-deċiżjoni Ewropea, kif previst fil-paragrafu 1, għandu jingħata tagħrif mill-Istat Membru konċernat fi żmien biżżejjed li jippermetti, jekk ikun neċessarju, li jsiru konsultazzjonijiet minn qabel fil-Kunsill. L-obbligu li tkun provduta informazzjoni minn qabel m'għandux japplika għall-miżuri li huma sempliċiment trasposizzjoni nazzjonali ta' din id-deċiżjonijiet.

4.   F'każ ta' bżonn imperattiv ikkawżat minn mill-iżvilupp ta' sitwazzjoni u fin-nuqqas ta' reviżjoni tad-deċiżjoni prevista fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jieħdu l-miżuri neċessarji bħala kwistjoni ta' urġenza, billi jitqiesu l-miri ġenerali ta' dik id-deċiżjoni. L-Istat Membru konċernat għandu jinforma lill-Kunsill immedjatament b'kull miżura ta' dan it-tip.

5.   Jekk ikun hemm diffikultajiet maġġuri fl-implimentazzjoni ta' deċiżjoni Ewropea kif previsti f'dan l-Artikolu, Stat Membru għandu jirreferihom lill-Kunsill li għandu jiddiskutihom u jfittex soluzzjonijiet xierqa. Dawn is-soluzzjonijiet m'għandhomx ikunu kontra l-miri ta' l-azzjoni prevista fil-paragrafu 1 jew inaqqsu l-effikaċja tagħha.

Artikolu III-298

Il-Kunsill għandu jadotta deċiżjonijiet Ewropej li għandhom jiddefinixxu l-posizzjoni ta' l-Unjoni fuq kwistjoni partikolari ta' natura ġeografika jew tematika. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-politika nazzjonali tagħhom tkun konformi mal-posizzjonijiet ta' l-Unjoni.

Artikolu III-299

1.   Kull Stat Membru, l-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni, jew dak il-Ministru bl-appoġġ tal-Kummissjoni, jistgħu jirreferu kwalunkwe kwistjoni li tirrelata mal-politika estera u ta' sigurtà komuni lill-Kunsill u jistgħu jissottomettulu inizjattivi jew proposti skond il-każ.

2.   F'każijiet li jeħtieġu deċiżjoni rapida, l-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni, fuq mozzjoni tiegħu stess jew fuq talba ta' Stat Membru, għandu jsejjaħ laqgħa straordinarja tal-Kunsill fi żmien tmienja u erbgħin siegħa jew, f'emerġenza, f'perijodu iqsar.

Artikolu III-300

1.   Id-deċiżjonijiet Ewropej previsti f'dan il-Kapitolu għandhom jiġu adottati mill-Kunsill li jaġixxi b'mod unanimu.

Kwalunkwe membru tal-kunsill li jastjeni mill-vot jista' jikkwalifika l-astensjoni tiegħu billi jagħmel dikjarazzjoni formali. f'dak il-każ, m'għandux ikun obbligat li japplika d-deċiżjoni ewropea, imma għandu jaċċetta li d-deċiżjoni torbot lill-unjoni. fi spirtu ta' solidarjetà reċiproka, l-istat membru konċernat għandu jastjeni milli jieħu kull azzjoni li x' aktarx tidħol f'kunflitt ma' jew timpedixxi azzjoni ta' l-unjoni bbażata fuq dik id-deċiżjoni u l-istati membri l-oħra għandhom jirrispettaw il-posizzjoni tiegħu. jekk il-membri tal-kunsill li jikkwalifikaw l-astensjoni tagħhom b'dan il-mod jirrappreżentaw mill-inqas terz ta' l-istati membri li jinkludu mill-inqas terz tal-popolazzjoni ta' l-unjoni, d-deċiżjoni m'għandhiex tiġi adottata.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1, il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata:

a)

meta jadotta deċiżjonijiet Ewropej li jiddefinixxu azzjoni jew posizzjoni ta' l-Unjoni fuq bażi ta' deċiżjoni Ewropea tal-Kunsill Ewropew dwar l-interessi u l-miri strateġiċi ta' l-Unjoni, kif prevista fl-Artikolu III-293(1);

b)

meta jadotta deċiżjoni Ewropea li tiddefinixxi azzjoni jew posizzjoni ta' l-Unjoni, fuq proposta li l-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni jkun ressaqlu wara talba speċifika lilu mill-Kunsill Ewropew li ssir fuq inizjattiva ta' dan stess jew fuq dik tal-Ministru;

ċ)

meta jadotta deċiżjoni Ewropea li timplimenta deċiżjoni Ewropea li tiddefinixxi xi azzjoni jew posizzjoni ta'l-Unjoni;

d)

meta jadotta deċiżjoni ewropea li tikkonċerna l-ħatra ta' rappreżentant speċjali skond l-artikolu III-302.

Jekk membru tal-Kunsill jiddikjara li, għal raġunijiet importanti u dikjarati ta' politika nazzjonali, bi ħsiebu jopponi l-adozzjoni ta' deċiżjoni Ewropea li għandha tiġi adottata b'maġġoranza kwalifikata, m'għandux jittieħed vot. Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni, f'konsultazzjoni mill-qrib ma' l-Istat Membru involut, ifittex soluzzjoni aċċettabbli għal dan ta' l-aħħar. Jekk hu ma jirnexxielux, il-Kunsill jista', waqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jitlob li l-kwistjoni titressaq quddiem il-Kunsill Ewropew għal deċiżjoni Ewropea b'mod unanimu.

3.   Skond l-Artikolu I-40(7) il-Kunsill Ewropew jista' b'mod unanimu jadotta deċiżjoni Ewropea li tistipula li l-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fil-każijiet barra minn dawk previsti fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

4.   Il-Paragrafi 2 u 3 m'għandhomx japplikaw għal deċiżjonijiet li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża.

Artikolu III-301

1.   Meta l-Kunsill Ewropew jew il-Kunsill ikun iddefinixxa approċċ komuni ta' l-Unjoni fis-sens ta' l-Artikolu I-48(5), il-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni u l-Ministri ta' l-Affarijiet Barranin ta' l-Istati Membri għandhom jikkordinaw l-attivitajiet tagħhom fil-Kunsill.

2.   Il-missjonijiet diplomatiċi ta' l-Istati Membri u d-delegazzjonijiet ta' l-Unjoni f'pajjiżi terzi u f'organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom jikkoperaw u għandhom jikkontribwixxu għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta' l-approċċ komuni previst fil-paragrafu 1.

Artikolu III-302

Il-Kunsill jista' jaħtar, fuq inizjattiva tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni, rappreżentant speċjali b'mandat fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' politika partikolari. Ir-rappreżentant speċjali għandu jwettaq il-mandat tiegħu taħt l-awtorità tal-Ministru.

Artikolu III-303

L-Unjoni tista' tikkonkludi ftehim ma' Stat wieħed jew aktar jew ma' organizzazzjonijiet internazzjonali f'oqsma koperti b'dan il-Kapitolu.

Artikolu III-304

1.   Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni għandu jikkonsulta mal-Parlament Ewropew u jinfurmah skond l-Artikolu I-40(8) u l-Artikolu I-41(8). Hu għandu jassigura li l-opinjonijiet tal-Parlament Ewropew jiġu kkunsidrati kif dovut. Rappreżentanti speċjali jistgħu jkunu involuti fl-għotja ta' informazzjoni lill-Parlament Ewropew.

2.   Il-Parlament Ewropew jista' jistaqsi mistoqsijiet lill-Kunsill u lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni jew jagħmel rakkomandazzjonijiet lilhom. Darbtejn fis-sena għandu jżomm dibattitu dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-politika estera u ta' sigurtà komuni, inkluża l-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni.

Artikolu III-305

1.   L-Istati Membri għandhom jikkordinaw l-azzjoni tagħhom f'organizzazzjonijiet internazzjonali u f'konferenzi internazzjonali. Għandhom jiddefendu l-posizzjonijiet ta' l-Unjoni f'dawn il-laqgħat. Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni għandu jorganizza din il-kordinazzjoni.

F'organizzazzjonijiet internazzjonali u konferenzi internazzjonali li fihom ma jipparteċipawx l-Istati Membri kollha, dawk li jieħdu sehem għandhom jiddefendu l-posizzjonijiet ta' l-Unjoni.

2.   Skond l-Artikolu I-16(2), l-Istati Membri rappreżentati f'organizzazzjonijiet internazzjonali jew konferenzi internazzjonali li fihom ma jipparteċipawx l-Istati Membri kollha għandhom iżommu lil ta' l-aħhar, kif ukoll lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni, infurmati b'kull kwistjoni ta' interess komuni.

L-Istati Membri li huma wkoll membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti għandhom jikkonċertaw u jżommu lill-Istati Membri l-oħra u lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni infurmati għalkollox. L-Istati Membri li huma membri tal-Kunsill tas-Sigurtà għandhom, fl-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet tagħhom jiddefendu l-posizzjonijiet u l-interessi ta' l-Unjoni, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tagħhom taħt il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

Meta l-Unjoni tkun iddefiniet posizzjoni dwar tema li hi fuq l-aġenda tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, dawk l-Istati Membri li huma membri tal-Kunsill tas-Sigurtà għandhom jitolbu li l-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni jkun mistieden jippreżenta l-posizzjoni ta' l-Unjoni.

Artikolu III-306

Il-missjonijiet diplomatiċi u konsulari ta' l-Istati Membri u d-delegazzjonijiet ta' l-Unjoni f'pajjiżi terzi u f'konferenzi internazzjonali, u r-rappreżentanzi tagħhom għal organizzazzjonijiet internazzjonali, għandhom jikkoperaw biex jiżguraw li jiġu rispettati u implimentati d-deċiżjonijiet Ewropej li jiddefinixxu l-posizzjonijiet u l-azzjonijiet ta' l-Unjoni adottati taħt dan il-Kapitolu. Għandhom isaħħu l-koperazzjoni billi jiskambjaw informazzjoni u jwettqu stimi konġunti.

Għandhom jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tad-dritt taċ-ċittadini Ewropej li jkollhom protezzjoni fit-territorju ta' pajjiżi terzi kif previst fl-Artikolu I-10(2)(ċ) u l-miżuri adottati skond l-Artikolu III-127.

Artikolu III-307

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu III-344, Kumitat ta' Politika u ta' Sigurtà għandu jsegwi s-sitwazzjoni internazzjonali fl-oqsma koperti mill-politika estera u ta' sigurtà komuni u jikkontribwixxi għad-definizjoni ta' politika billi jagħti opinjonijiet lill-Kunsill fuq it-talba ta' dan ta' l-aħħar, jew tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni, jew fuq l-inizjattiva tiegħu stess. Għandu wkoll jagħmel kontroll ta' l-implimentazzjoni ta' politika miftiehma, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni.

2.   Fil-kamp ta' l-applikazzjoni ta' dan il-kapitolu, l-kumitat ta' politika u ta' sigurtà għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-kunsill u tal-ministru għall-affarijiet barranin ta' l-unjoni, l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika ta' l-operazzjonijiet ta' immaniġġjar ta' kriżi previsti fl-artikolu III-309.

Il-Kunsill tal-Ministri jista' jawtorizza l-Kumitat, għall-iskop u għat-tul ta' operazzjoni ta' immaniġġjar ta' kriżi, kif determinat mill-Kunsill tal-Ministri, biex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti li jikkonċernaw il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika ta' l-operazzjoni.

Artikolu III-308

L-implimentazzjoni tal-politika estera u ta' sigurtà komuni m'għandhiex tolqot l-applikazzjoni tal-proċeduri u l-firxa tal-poteri ta' l-istituzzjonijiet stabbiliti bil-Kostituzzjoni għall-eżerċizzju tal-kompetenzi ta' l-Unjoni previsti fl-Artikolu I-13 sa I-15 u l-Artikolu I-17.

Bl-istess mod, l-implimentazzjoni tal-politika prevista f'dawk l-Artikoli m'għandhiex tolqot l-applikazzjoni tal-proċeduri u l-firxa tal-poteri ta' l-istituzzjonijiet stabbiliti bil-Kostituzzjoni għall-eżerċizzju tal-kompetenzi ta' l-Unjoni taħt dan il-Kapitolu.

SEZZJONI 2

POLITIKA TA' SIGURTÀ U TA' DIFIŻA KOMUNI

Artikolu III-309

1.   Il-kompiti previsti fl-Artikolu I-41(1), li matulhom l-Unjoni tista' tuża mezzi ċivili u militari, għandhom jinkludu operazzjonijiet konġunti ta' diżarm, kompiti umanitarji u ta' salvataġġ, kompiti ta' għoti ta' pariri u ta' assistenza fi kwistjonijiet militari, kompiti ta' prevenzjoni ta' kunflitti u taż-żamma tal-paċi, kompiti ta' forzi ta' kumbattiment fl-immaniġġjar ta' kriżi, inklużi l-missjonijiet għall-istabbiliment tal-paċi u għall-istabbilizzazzjoni wara l-kunflitt. Dawn il-kompiti kollha jistgħu jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, inkluż l-appoġġ għal pajjiżi terzi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu fit-territorji tagħhom.

2.   Il-Kunsill għandu jadotta deċiżjonijiet Ewropej li għandhom x'jaqsmu mal-kompiti previsti fil-paragrafu 1, li jiddefinixxu l-miri u l-kamp ta' l-applikazzjoni u l-kondizzjonijiet ġenerali għall-implimentazzjoni tagħhom. Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni, waqt li jaġixxi taħt l-awtorità tal-Kunsill u f'kuntatt mill-qrib u kostanti mal-Kumitat ta' Politika u ta' Sigurtà, għandu jassigura kordinazzjoni ta' l-aspetti ċivili u militari ta' dawn il-kompiti.

Artikolu III-310

1.   Fil-qafas tad-deċiżjonijiet Ewropej adottati skond l-Artikolu III-309, il-Kunsill jista' jafda l-implimentazzjoni ta' kompitu lil grupp ta' Stati Membri li għandhom r-rieda meħtieġa u l-ħila neċessarja għal dan il-kompitu. Dawk l-Istati Membri f'assoċjazzjoni mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni għandhom jiftehmu bejniethom dwar l-amministrazzjoni tal-kompitu.

2.   L-Istati Membri li jipparteċipaw fil-kompitu għandhom iżommu lill-Kunsill regolarment infurmat bil-progress fuq inizjattiva tagħhom stess jew fuq it-talba ta' Stat Membru ieħor. Dawk l-Istati għandhom jinfurmaw lill-Kunsill immedjatament jekk it-twettiq tal-kompitu jkollu konsegwenzi maġġuri jew jeħtieġ emenda tal-mira, tal-kamp ta' l-applikazzjoni u tal-kondizzjonijiet stabbiliti għall-kompitu fid-deċiżjonijiet Ewropej previsti fil-paragrafu 1. F'każijiet bħal dawn, il-Kunsill għandu jadotta d-deċiżjonijiet Ewropej neċessarji.

Artikolu III-311

1.   L-Aġenzija fil-qasam ta' l-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' difiża, tar-riċerka, ta' l-akkwist u ta' l-armamenti (l-Aġenzija tad-Difiża Ewropea) stabbilita bl-Artikolu I-41(3) u soġġetta għall-awtorità tal-Kunsill, għandha bħala l-kompitu tagħha li:

a)

tikkontribwixxi għall-identifikazzjoni tal-miri ta' kapaċità militari ta' l-Istati Membri u l-valutazzjoni ta' l-osservanza ta' l-impenni ta' kapaċità mogħtija mill-Istati Membri;

b)

tippromwovi l-armonizzazzjoni ta' bżonnijiet operazzjonali u l-adozzjoni ta' metodi ta' akkwist li huma effettivi u kompatibbli;

ċ)

tipproponi proġetti multilaterali sabiex jiġu sodisfatti l-miri f'termini ta' kapaċitajiet militari, u tassigura kordinazzjoni tal-programmi implimentati mill-Istati Membri u l-amministrazzjoni ta' programmi speċifiċi ta' koperazzjoni;

d)

issostni riċerka dwar it-teknoloġija tad-difiża, u tikkordina u tippjana attivitajiet ta' riċerka konġunta u l-istudju ta' soluzzjonijiet tekniċi li jissodisfaw bżonnijiet operattivi futuri;

e)

tikkontribwixxi għall-identifikazzjoni u, jekk neċessarju, l-implimentazzjoni ta' kull miżura utli għat-tisħiħ tal-bażi industrijali u teknoloġika tas-settur tad-difiża u għat-titjib ta' l-effettività ta' l-infiq militari.

2.   L-Aġenzija tad-Difiża Ewropea għandha tkun miftuħa għall-Istati Membri kollha li jixtiequ jkunu parti minnha. Il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, għandu jadotta deċiżjoni Ewropea li tiddefinixxi l-istatut, is-sede u r-regoli operattivi ta' l-Aġenzija. Dik id-deċiżjoni għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-livell ta' parteċipazzjoni effettiva fl-attivitajiet ta' l-Aġenzija. Għandhom jiġu stabbiliti fl-Aġenzija gruppi speċifiċi li jinkludu Stati Membri involuti fi proġetti konġunti. L-Aġenzija għandha twettaq il-kompiti tagħha flimkien mal-Kummissjoni meta neċessarju.

Artikolu III-312

1.   Dawk l-Istati Membri li jixtiequ jieħdu sehem fil-koperazzjoni strutturata permanenti prevista fl-Artikolu I-41(6), li jissodisfaw il-kriterji u li taw l-impenji tagħhom dwar il-kapaċitajiet militari previsti fil-Protokoll dwar il-koperazzjoni strutturata permanenti għandhom jinnotifikaw l-intenzjoni tagħhom lill-Kunsill u lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni.

2.   Fi żmien tliet xhur min-notifika prevista fil-paragrafu 1, l-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni Ewropea li tistabbilixxi koperazzjoni strutturata permanenti, u li tiddetermina l-lista ta' l-Istati Membri partecipanti. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata wara li jikkonsulta lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni.

3.   Kull Stat Membri li, aktar tard, jixtieq jieħu sehem fil-koperazzjoni strutturata permanenti għandu jinnotifika l-intenzjoni tiegħu lill-Kunsill u lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni.

Il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni Ewropea li tikkonferma l-parteċipazzjoni ta' l-Istat Membru konċernat li jissodisfa l-kriterji u ta' l-impenji previsti fl-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-koperazzjoni strutturata permanenti. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata wara li jikkonsulta l-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni. Il-Membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw lill-Istati Membri parteċipanti biss jistgħu jivvutaw.

Maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita bħala li hija ugwali għal mill-inqas 55 % tal-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw lill-Istati Membri parteċipanti, li flimkien jinkludu mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni ta' dawn l-Istati.

Minoranza li timblokka għandha tinkludi mill-inqas in-numru minimu ta' membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw iktar minn 35 % tal-popolazzjoni ta' l-Istati Membri parteċipanti, u membru ieħor, u fin-nuqqas ta' dan, il-maġġoranza kwalifikata tkun meqjusa li nkisbet.

4.   Jekk Stat Membru parteċipant ma jibqax jissodisfa l-kriterji jew ma jkunx jista' jibqa' jwettaq l-impenji, previsti fl-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-koperazzjoni strutturata permanenti, l-Kunsill jista' jadotta deċiżjoni Ewropea li tissospendi l-parteċipazzjoni ta' l-Istat Membru konċernat.

Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata. Il-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw lill-Istati Membri parteċipanti, bl-eċċezzjoni ta' l-Istat Membru konċernat, biss jistgħu jivvutaw.

Maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita bħala li hija ugwali għal mill-inqas 55 % tal-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw lill-Istati Membri parteċipanti, li flimkien jinkludu mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni ta' dawn l-Istati.

Minoranza li timblokka għandha tinkludi mill-inqas in-numru minimu ta' membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw iktar minn 35 % tal-popolazzjoni ta' l-Istati Membri parteċipanti, u membru ieħor, u fin-nuqqas ta' dan, il-maġġoranza kwalifikata tkun meqjusa li nkisbet.

5.   Kull Stat Membru parteċipant li jixtieq jirtira mill-koperazzjoni strutturata permanenti għandu jgħarraf l-intenzjoni tiegħu lill-Kunsill, li għandu jinnota li l-Istat Membru in kwistjoni waqaf milli jipparteċipa.

6.   Id-deċiżjonijiet Ewropej u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill fil-qafas ta' koperazzjoni strutturata permanenti, bl-eċċezzjoni ta' dawk stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 5, għandhom jiġu adottati b'mod unanimu. Għall-finijiet ta' dan il-paragrafu, l-unanimità għandha tkun magħmula biss mill-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri li jipparteċipaw.

SEZZJONI 3

DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI

Artikolu III-313

1.   L-ispiża amminstrattiva li l-implimentazzjoni ta' dan il-Kapitolu tinvolvi għall-istituzzjonijiet għandha tkun addebitata lill-budget ta' l-Unjoni.

2.   L-ispiża operattiva li tinħoloq mill-implimentazzjoni ta' dan il-Kapitolu għandha wkoll tiġi addebitata lill-budget ta' l-Unjoni, ħlief għal dik l-ispiża li tinħoloq minn operazzjonijiet li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża u każijiet fejn il-Kunsill jiddeċiedi mod ieħor.

F'każijiet fejn l-ispiża ma tkunx addebitata lill-budget ta' l-Unjoni għandha tkun ir-responsabbiltà ta' l-Istati Membri skond l-iskala tal-prodott gross nazzjonali, sakemm il-Kunsill ma jiddeċidiex mod ieħor. Għall-ispiża li tinħoloq minn operazzjonijiet li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża, l-Istati Membri li r-rappreżentanti tagħhom fil-Kunsill ikunu għamlu dikjarazzjoni formali taħt l-Artikolu III-300(1), it-tieni subparagrafu, m'għandhomx ikunu obbligati jikkontribwixxu għall-finanzjament tagħha.

3.   Il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni Ewropea li tistabbilixxi l-proċeduri speċifiċi sabiex jiggarantixxi aċċess ta' malajr għal approprjazzjonijiet fil-budget ta' l-Unjoni għal finanzjament urġenti ta' inizjattivi fil-qafas tal-politika estera u ta' sigurtà komuni, u b'mod partikolari għal attivitajiet preparatorji għall-kompiti kif previsti fl-Artikolu I-41(1) u l-Artikolu III-309. Hu għandu jaġixxi wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew.

Attivitajiet preparatorji għal kompiti kif previsti fl-Artikoli I-41(1) u l-Artikolu III-309 li mhumiex addebitati għall-budget ta' l-Unjoni għandhom jiġu ffinanzjati minn fond ta' dotazzjoni magħmul mill-kontribuzzjonijiet ta' l-Istati Membri.

Il-Kunsill għandu jadotta, b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni, deċiżjonijiet Ewropej li jistabbilixxu:

a)

il-proċeduri għall-istabbiliment u l-finanzjament tal-fond ta' dotazzjoni, b'mod partikolari l-ammonti allokati lill-fond;

b)

il-proċeduri għall-amministrazzjoni tal-fond ta' dotazzjoni;

ċ)

il-proċeduri tal-kontroll finanzjarju.

Meta l-kompitu, kif ippjanat skond l-Artikoli I-41(1) u l-Artikolu III-309, ma jistax jiġi addebitat lill-budget ta' l-Unjoni, l-Kunsill għandu jawtorizza lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni biex juża l-fond. Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni għandu jirrapporta lill-Kunsill bl-eżekuzzjoni ta' dan il-mandat.

KAPITOLU III

POLITIKA KUMMERĊJALI KOMUNI

Artikolu III-314

Permezz ta' l-istabbiliment ta' unjoni doganali skond l-Artikolu III-151, l-Unjoni għandha tikkontribwixxi, fl-interess komuni, għall-iżvilupp armonjuż tal-kummerċ dinji, għall-abolizzjoni progressiva ta' restrizzjonijiet fuq il-kummerċ internazzjonali u fuq l-investiment barrani dirett, kif ukoll għat-tnaqqis fl-ostakoli doganali u oħrajn.

Artikolu III-315

1.   Il-politika kummerċjali komuni għandha tkun ibbażata fuq prinċipji uniformi, partikolarment fir-rigward ta' bidliet fir-rati tariffarji, l-konklużjoni ta' ftehim dwar tariffi u dawk kummerċjali rigward il-kummerċ ta' prodotti u ta' servizzi, u l-aspetti kummerċjali tal-proprjetà intellettwali, l-investiment barrani dirett, il-kisba ta' l-uniformità fil-miżuri ta' liberalizzazzjoni, l-politika dwar l- esportazzjoni kif ukoll il-miżuri għall-protezzjoni tal-kummerċ bħal dawk li għandhom jittieħdu fil-każ ta' dumping jew sussidji. Il-politika kummerċjali komuni għandha titmexxa fil-kuntest tal-prinċipji u l-miri ta' l-azzjoni esterna ta' l-Unjoni.

2.   Il-liġi Ewropea għandha tistabbilixxi l-miżuri li jiddefinixxu l-qafas għall-implementazzjoni tal-politika kummerċjali komuni.

3.   Fejn ikun meħtieġ li jiġu negozjati u konklużi ftehim ma' pajjiż terz wieħed jew aktar jew ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, l-Artikolu III-325 għandu japplika bla ħsara għad-disposizzjonijiet speċjali ta' dan l-Artikolu.

Il-Kummissjoni għandha tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill, li għandu jawtorizzaha biex tiftaħ in-negozjati meħtieġa. Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom ikunu responsabbli biex jassiguraw li l-ftehim negozjat huwa kompatibbli mal-politika u r-regoli interni ta' l-Unjoni.

Il-Kummissjoni għandha tmexxi dawn in-negozjati b'konsultazzjoni ma' kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill biex jgħin lill-Kummissjoni f'dan ix-xogħol u fil-qafas tad-direttivi li l-Kunsill jista' jindirizza lilha. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta regolarment lill-kumitat speċjali u lill-Parlament Ewropew dwar il-progress tan-negozjati.

4.   Għan-negozjati u l-konklużjoni tal-ftehim previst fil-paragrafu 3, il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata.

Għan-negozjati u l-konklużjoni ta' ftehim fl-oqsma tal-kummerċ f'servizzi u l-aspetti kummerċjali tal-proprjetà intellettwali, kif ukoll l-investiment barrani dirett, il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu fejn ftehim bħal dan jinkludi disposizzjonijiet li għalihom l-unanimità hi meħtieġa għall-adozzjoni ta' regoli nterni.

Il-Kunsill għandu wkoll jaġixxi b'mod unanimu għan-negozjati u għall-konklużjoni ta' ftehim:

a)

fil-qasam ta' kummerċ f'servizzi kulturali u awdjoviżivi, fejn hemm ir-riskju li dan il-ftehim jippreġudika d-diversità kulturali u lingwistika;

b)

fil-qasam ta' kummerċ f'servizzi soċjali, ta' l-edukazzjoni u tas-saħħa, fejn hemm ir-riskju li dan il-ftehim jikkawża disturb serju għall-organizzazzjoni nazzjonali ta' dawn is-servizzi u jippreġudika r-responsabbiltà ta' l-Istati Membri biex joffruhom.

5.   In-negozjati u l-konklużjoni ta' ftehim internazzjonali fil-qasam tat-trasport għandhom ikunu soġġetti għas-Sezzjoni 7 tal-Kapitolu III tat-Titolu III u għall-Artikolu III-325.

6.   L-eżerċizzju tal-kompetenzi konferiti b'dan l-Artikolu fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni m'għandux jolqot d-delimitazzjoni ta' kompetenzi interni bejn l-Unjoni u l-Istati Membri u m'għandux iwassal għal armonizzazzjoni tad-disposizzjonijiet leġislattivi jew regolatorju ta' l-Istati Membri fejn il-Kostituzzjoni teskludi din l-armonizzazzjoni.

KAPITOLU IV

KOPERAZZJONI MA' PAJJIŻI TERZI U GĦAJNUNA UMANITARJA

SEZZJONI 1

KOPERAZZJONI GĦALL-IŻVILUPP

Artikolu III-316

1.   Il-politika ta' l-Unjoni fl-isfera ta' koperazzjoni għall-iżvilupp għandha tkun kondotta fil-qafas tal-prinċipji u l-miri ta' l-azzjoni esterna ta' l-Unjoni. Il-politika ta' koperazzjoni għall-iżvilupp ta' l-Unjoni u dik ta' l-Istati Membri għandhom jikkumplimentaw u jsaħħu lil xulxin.

Il-politika ta' koperazzjoni għall-iżvilupp ta' l-Unjoni għandha bħala l-mira primarja tagħha t-tnaqqis u, biż-żmien, il-qerda tal-faqar. L-Unjoni għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-miri ta' koperazzjoni għall-iżvilupp fil-politika li timplimenta li x'aktarx tolqot lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

2.   L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom iħarsu l-impenji u jieħdu in kunsiderazzjoni l-miri li jkunu approvaw fil-kuntest tan-Nazzjonijiet Uniti u organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti oħrajn.

Artikolu III-317

1.   Liġi jew liġi kwadru ewropea għandhom tistabbilixxi l-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni tal-politika ta' koperazzjoni għall-iżvilupp, li tista' tirrelata għall-programmi ta' koperazzjoni pluriennali ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw jew programmi li jkollhom approċċ tematiku.

2.   L-Unjoni tista' tikkonkludi ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti kull ftehim li jgħin biex jintlaħqu l-miri previsti fl-Artikoli III-292 u III-316.

L-ewwel subparagrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenza ta' l-Istati Membri biex jinnegozjaw f'korpi internazzjonali u biex jikkonkludu ftehim.

3.   Il-Bank Ewropew ta' l-Investiment għandu jikkontribwixxi, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Istatut tiegħu, għall-implimentazzjoni tal-miżuri previsti fil-paragrafu 1.

Artikolu III-318

1.   Sabiex tiġi promossa l-kumplimentarità u l-effikaċja ta' l-azzjoni tagħhom, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkordinaw il-politika tagħhom fil-qasam tal-koperazzjoni għall-iżvilupp u għandhom jikkonsultaw ma' xulxin dwar il-programmi ta' l-għajnuna tagħhom, inklużi f'organizzazzjonijiet internazzjonali u waqt konferenzi internazzjonali. Jistgħu jidħlu għal azzjonijiet konġunti. L-Istati Membri għandhom jikkontribwixxu jekk neċessarju għall-implimentazzjoni tal-programmi ta' għajnuna ta' l-Unjoni.

2.   Il-Kummissjoni tista' tieħu kull inizjattiva utli sabiex tippromwovi l-kordinazzjoni prevista fil-paragrafu 1.

3.   Fil-qafas tal-kompetenza rispettiva tagħhom, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkoperaw ma' pajjiżi terzi u ma' l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti.

SEZZJONI 2

KOPERAZZJONI EKONOMIKA, FINANZJARJA U TEKNIKA MA' PAJJIŻI TERZI

Artikolu III-319

1.   Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet l-oħra tal-Kostituzzjoni, u b'mod partikolari dawk ta' l-Artikoli III-316 sa III-318, l-Unjoni għandha twettaq miżuri ta' koperazzjoni ekonomika, finanzjarja u teknika, inkluża għajnuna, b'mod partikolari għajnuna finanzjarja, ma' pajjiżi terzi li mhumiex pajjiżi li qed jiżviluppaw. Dawn il-miżuri għandhom ikunu koerenti mal-politika ta' l-iżvilupp ta' l-Unjoni u għandhom jitwettqu fil-qafas tal-prinċipji u l-miri ta' l-azzjoni esterna tagħha. Il-miżuri ta' l-Unjoni u dawk ta' l-Istati Membri għandhom jikkumplimentaw u jsaħħu lil xulxin.

2.   Liġi jew liġi kwadru Ewropea għandhom tistabbilixxi l-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni tal-paragrafu 1.

3.   Fil-qafas tal-kompetenza rispettiva tagħhom, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkoperaw ma' pajjiżi terzi u ma' l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti. L-arranġamenti għall-koperazzjoni ta' l-Unjoni jistgħu jkunu s-suġġett ta' ftehim bejn l-Unjoni u l-partijiet terzi konċernati.

L-ewwel subparagrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenza ta' l-Istati Membri biex jinnegozjaw f'korpi internazzjonali u biex jikkonkludu ftehim.

Artikolu III-320

Meta s-sitwazzjoni f'pajjiż terz teħtieġ għajnuna finanzjarja urġenti mill-Unjoni, l-Kunsill għandu jadotta d-deċiżjonijiet Ewropej neċessarji fuq proposta mill-Kummissjoni.

SEZZJONI 3

GĦAJNUNA UMANITARJA

Artikolu III-321

1.   L-azzjonijiet ta' l-Unjoni fil-qasam ta' għajnuna umanitarja għandhom jitmexxew fil-qafas tal-prinċipji u l-miri ta' l-azzjoni esterna ta' l-Unjoni. Dawn l-operazzjonijiet għandhom ikunu maħsuba biex jipprovdu assistenza u għajnuna mingħajr dewmien għal nies f'pajjiżi terzi li huma vittmi ta' diżastri naturali jew ikkaġunati mill-bniedem, u biex jipproteġuhom, sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet umanitarji li jirriżultaw minn dawn is-sitwazzjonijiet differenti. L-operazzjonijiet ta' l-Unjoni u dawk ta' l-Istati Membri għandhom jikkumplimentaw u jsaħħu lil xulxin.

2.   L-azzjonijiet ta' għajnuna umanitarja għandhom jitmexxew skond il-prinċipji tad-dritt internazzjonali u l-prinċipji ta' l-imparzjalità, in-newtralità u nuqqas ta' diskriminazzjoni.

3.   Liġi jew liġi kwadru Ewropea għandhom tistabbilixxi l-miżuri li jiddefinixxu l-qafas li fih l-azzjonijiet ta' għajnuna umanitarja ta' l-Unjoni għandhom jiġu implimentati.

4.   L-Unjoni tista' tikkonkludi ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti kull ftehim li jgħin biex jintlaħqu l-miri previsti fil-paragrafu 1 u fl-Artikolu III-292.

L-ewwel subparagrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenza ta' l-Istati Membri li jinnegozjaw f'korpi internazzjonali u li jikkonkludu ftehim.

5.   Sabiex jiġi stabbilit qafas għal kontribuzzjonijiet konġunti minn żgħażagħ Ewropej għall-azzjonijiet ta' għajnuna umanitarja ta' l-Unjoni, għandu jkun stabbilit Korp Volontarju Ewropew ta' Għajnuna Umanitarja. Il-liġi Ewropea għandha tiffissa r-regoli u l-proċeduri għall-funzjonament tal-Korp.

6.   Il-Kummissjoni tista' tieħu kull inizjattiva utli sabiex tippromwovi l-kordinazzjoni bejn azzjonijiet ta' l-Unjoni u dawk ta' l-Istati Membri, sabiex ittejjeb l-effikaċja u l-komplimentarità ta' miżuri ta' għajnuna umanitarja ta' l-Unjoni u dawk nazzjonali.

7.   L-Unjoni għandha tassigura li l-azzjonijiet ta' għajnuna umanitarja tagħha huma kordinati u koerenti ma' dawk ta' organizzazzjonijiet u korpi internazzjonali, b'mod partikolari dawk li jiffurmaw parti mis-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti.

KAPITOLU V

MIŻURI RESTRITTIVI

Artikolu III-322

1.   Meta deċiżjoni Ewropea, li tiġi adottata skond il-Kapitolu II, tipprovdi għall-interruzzjoni jew it-tnaqqis, parzjali jew sħiħ, tar-relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji, ma' pajjiż terz wieħed jew aktar, il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta konġunta mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni u l-Kummissjoni, għandu jadotta r-regolamenti jew id-deċiżjonijiet Ewropej meħtieġa. Għandu jinforma lill-Parlament Ewropew bihom.

2.   Meta deċiżjoni Ewropea li tkun adottata skond il-Kapitolu II tipprovdi hekk, il-Kunsill jista' jadotta miżuri restrittivi taħt il-proċedura prevista fil-paragrafu 1 kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, kontra gruppi jew kontra entitajiet mhux Statali.

3.   L-atti previsti f'dan l-Artikolu għandhom jinkludu disposizzjonijiet meħtieġa dwar salvagwardji legali.

KAPITOLU VI

FTEHIM INTERNAZZJONALI

Artikolu III-323

1.   L-Unjoni tista' tikkonkludi xi ftehim ma' pajjiż terz wieħed jew iktar jew ma' organizzazzjonijiet internazzjonali meta l-Kostituzzjoni tipprovdi hekk jew meta l-konklużjoni ta' ftehim hija jew meħtieġa sabiex tinkiseb, fil-qafas tal-politika ta' l-Unjoni, waħda mill-miri ffissati mill-Kostituzzjoni, jew inkella hija prevista f'att ta' l-Unjoni li jorbot legalment jew inkella x'aktarx tolqot regoli komuni jew li jbiddel il-kamp ta' l-applikazzjoni tagħhom.

2.   Ftehim konkluż mill-Unjoni jorbot lill-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni u lill-Istati Membri.

Artikolu III-324

L-Unjoni tista' tikkonkludi ftehim ta'assoċjazzjoni ma' pajjiż terz wieħed jew aktar jew ma' organizzazzjonijiet internazzjonali sabiex tistabbilixxi assoċjazzjoni li tinvolvi drittijiet u obbligi reċiproċi, azzjonijiet komuni u proċeduri speċjali.

Artikolu III-325

1.   Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fl-Artikoli III-315, ftehim bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom jiġu nnegozjati u konklużi skond il-proċedura li ġejja.

2.   Il-Kunsill għandu jawtorizza l-ftuħ tan-negozjati, jadotta direttivi ta' negozjati, jawtorizza l-iffirmar ta' ftehim u jikkonkludihom.

3.   Il-Kummissjoni, jew il-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni meta l-ftehim maħsub għandu x'jaqsam esklużivament jew prinċipalment mal-politika estera u ta' sigurtà komuni, għandhom jissottomettu rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill, li għandu jadotta deċiżjoni Ewropea li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati u, skond is-suġġett tal-ftehim maħsub, li jinnominaw in-negozjatur ta' l-Unjoni jew il-kap tal-grupp ta' negozjaturi ta' l-Unjoni.

4.   Il-Kunsill jista' jindirizza direttivi lin-negozjatur u jaħtar kumitat speċjali li f'konsultazzjoni miegħu għandhom isiru n-negozjati.

5.   Il-Kunsill, fuq proposta min-negozjatur, għandu jadotta deċiżjoni Ewropea li tawtorizza l-iffirmar tal-ftehim u, jekk meħtieġ, l-applikazzjoni proviżorja tiegħu qabel il-bidu fis-seħħ.

6.   Il-Kunsill, fuq proposta min-negozjatur, għandu jadotta deċiżjoni Ewropea li tikkonkludi l-ftehim.

Ħlief meta ftehim għandu x'jaqsam esklussivament mal-politika estera u ta' sigurtà komuni, l-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni Ewropea li tikkonkludi l-ftehim:

a)

wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew fil-każijiet li ġejjin:

i)

ftehim ta' assoċjazzjoni;

ii)

adeżjoni ta' l-Unjoni għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali;

iii)

ftehim li jistabbilixxi qafas istituzzjonali speċifiku permezz ta' l-organizzazzjoni ta' proċeduri ta' koperazzjoni;

iv)

ftehim b'implikazzjonijiet importanti għall-budget għall-Unjoni;

v)

ftehim li jkopri l-oqsma li għalihom tapplika jew il-proċedura leġislattiva ordinarja, jew il-proċedura leġislattiva speċjali meta jkun meħtieġ il-kunsens tal-Parlament Ewropew.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu, f'sitwazzjoni urġenti, jiftehmu fuq limitu ta' żmien għal kunsens.

b)

wara l-konsultazzjoni tal-Parlament Ewropew f'każijiet oħra. Il-Parlament Ewropew għandu jagħti l-opinjoni tiegħu f'terminu li l-Kunsill jista' jistabbilixxi skond l-urġenza tal-kwistjoni. Fl-assenza ta' opinjoni f'dak it-terminu, l-Kunsill jista' jaġixxi.

7.   Meta jikkonkludi ftehim, il-Kunsill jista', b'deroga mill-paragrafi 5, 6 u 9, jawtorizza lin-negozjatur biex japprova għan-nom ta' l-Unjoni modifiki għall-ftehim meta dawn jipprovdu li dawn il-modifiki għandhom jiġu adottati skond proċedura simplifikata jew minn grupp stabbilit mill-ftehim. Il-Kunsill jista' jehmeż kondizzjonijiet speċifiċi ma' awtorizzazzjoni bħal din.

8.   Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġgoranza kwalifikata tul il-proċedura.

Mandankollu, għandu jaġixxi b'mod unanimu meta l-ftehim ikopri qasam li għalih hija meħtieġa l-unamità għall-adozzjoni ta' att ta' l-Unjoni kif ukoll għal ftehim ta' assoċjazzjoni u l-ftehim previsti fl-Artikolu III-319 ma' l-Istati li huma kandidati għall-adeżjoni.

9.   Il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni jew mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni għandu jadotta deċiżjoni Ewropea li tissospendi l-applikazzjoni ta' ftehim u li tistabbilixxi l-posizzjonijiet li għandhom jiġu adottati għan-nom ta' l-Unjoni minn grupp stabbilit bi ftehim, meta dak il-grupp jissejjaħ biex jadotta atti li jkollhom effetti legali, ħlief atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.

10.   Il-Parlament Ewropew għandu jkun infurmat immedjatament u għal kollox fl-istadji kollha tal-proċedura.

11.   Stat Membru, l-Parlament Ewropew, il-Kunsill jew il-Kummissjoni, jistgħu jiksbu l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk il-ftehim maħsub huwiex kompatibbli mal-Kostituzzjoni. Meta l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija kuntrarja, l-ftehim maħsub ma jistax jidħol fis-seħħ sakemm ma jiġix emendat jew il-Kostituzzjoni ma tiġix riveduta.

Artikolu III-326

1.   B'deroga mill-Artikolu III-325, il-Kunsill jista', jew fuq rakkomandazzjoni mill-Bank Ċentrali Ewropew jew fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew bl-iskop li jintlaħaq qbil bejn kulħadd li huwa koerenti mal-mira ta' stabbilità tal-prezzijiet, jikkonkludi ftehim formali dwar is-sistema tar-rata tal-kambju għall-euro fir-rigward tal-muniti ta' Stati terzi. Il Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew u skond il-proċedura stipulata fil-paragrafu 3.

Il-Kunsill jew fuq rakkomandazzjoni mill-Bank Ċentrali Ewropew jew fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew bl-iskop li jintlaħaq qbil bejn kulħadd koerenti mal-mira ta' stabbilità tal-prezzijiet, jista' jadotta, jaġġusta jew jabbanduna r-rati ċentrali tal-euro fis-sistema tar-rata tal-kambju. Il-President tal-Kunsill għandu jinforma lill-Parlament Ewropew bl-adozzjoni, l-aġġustament jew l-abbandun tar-rati ċentrali tal-euro.

2.   Fl-assenza ta' sistema ta' rata tal-kambju fir-rigward ta' munita waħda jew iktar ta' Stati terzi kif previst fil-paragrafu 1, il-Kunsill, li jaġixxi jew fuq rakkomandazzjoni mill-Bank Ċentrali Ewropew jew fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew, jista' jifformula orjentazzjonijiet ġenerali għall-politika tar-rata tal-kambju fir-rigward ta' dawn il-muniti. Dawn l-orjentazzjonijiet ġenerali għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-mira primarja tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali, li tinżamm l-istabbilità tal-prezzijiet.

3.   B'deroga mill-Artikolu III-325, meta ftehim dwar materji li għandhom x'jaqsmu mas-sistema monetarja jew tal-kambju għandhom ikunu s-suġgett ta' negozjati bejn l-Unjoni u Stat terz wieħed jew aktar jew organizzazzjonijiet internazzjonali, l-Kunsill, waqt li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew, għandu jiddeċiedi l-arranġamenti għan-negozjati u għall-konklużjoni ta' dawn il-ftehim. Dawn l-arranġamenti għandhom jassiguraw li l-Unjoni tesprimi posizzjoni waħda. Il-Kummissjoni għandha tkun assoċjata għal kollox man-negozjati.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-kompetenza ta' l-Unjoni u l-ftehim ta' l-Unjoni fir-rigward ta' l-unjoni ekonomika u monetarja, l-Istati Membri jistgħu jinnegozjaw fi gruppi internazzjonali u jikkonkludu ftehim.

KAPITOLU VII

RELAZZJONIJIET TA' L-UNJONI MA' ORGANIZZAZZJONIJIET INTERNAZZJONALI U MA' PAJJIŻI TERZI U DELEGAZZJONIJIET TA' L-UNJONI

Artikolu III-327

1.   L-Unjoni għandha tistabbilixxi l-forom kollha xierqa ta' koperazzjoni ma' l-organi tan-Nazzjonijiet Uniti u l-aġenziji speċjalizzati tagħha, mal-Kunsill ta' l-Ewropa, ma' l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa u ma' l-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku.

L-Unjoni għandha wkoll iżżomm dawk ir-relazzjonijiet li jkunu opportuni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra.

2.   Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni u l-Kummissjoni għandhom huma inkarigati biex jimplimentaw dan l-Artikolu.

Artikolu III-328

1.   Id-delegazzjonijiet ta' l-Unjoni f'pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom jirrappreżentaw l-Unjoni.

2.   Id-delegazzjonijiet ta' l-Unjoni għandhom jitqiegħdu taħt l-awtorità tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni. Huma għandhom jaġixxu f'koperazzjoni stretta mal-missjonijiet diplomatiċi u konsulari ta' l-Istati Membri.

KAPITOLU VIII

IMPLIMENTAZZJONI TAL-KLAWŻOLA TA' SOLIDARJETÀ

Artikolu III-329

1.   Jekk Stat Membru jkun vittma ta' attakk terroristiku jew ta' diżastru naturali jew li jkun kaġunat mill-bniedem, l-Istati Membri l-oħra għandhom jgħinuh fuq talba ta' l-awtoritajiet politiċi tiegħu. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jikkordinaw bejniethom fil-Kunsill.

2.   L-arranġamenti għall-implimentazzjoni mill-Unjoni tal-klawsola tas-solidarjetà prevista fl-Artikolu I-43 għandha tiġi definita b'deċiżjoni Ewropea adottata mill-Kunsill li jaġixxi fuq proposta konġunta tal-Kummissjoni u tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni. Il-Kunsill għandu jaġixxi skond l-Artikolu III-300(1) fejn din id-deċiżjoni jkollha implikazzjonijiet ta' difiża. Il-Parlament Ewropew għandu jiġi nfurmat.

Għall-finijiet ta' dan il-paragrafu u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu III-344, il-Kunsill għandu jiġi assistit mill-Kumitat tal-Politika u tas-Sigurtà bl-appoġġ ta' l-istrutturi żviluppati fil-kuntest tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni, u mill-Kumitat previst fl-Artikolu III-261; iż-żewġ kumitati għandhom, jekk meħtieġ, jissottomettu opinjonijiet konġunti.

3.   Il-Kunsill Ewropew għandu jivvaluta regolarment it-theddid kontra l-Unjoni sabiex hi u l-Istati Membri tagħha jkunu jistgħu jieħdu azzjoni effettiva.

TITOLU VI

IL-FUNZJONAMENT TA' L-UNJONI

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ISTITUZZJONALI

SEZZJONI 1

L-ISTITUZZJONIJIET

Subsezzjoni 1

Il-Parlament Ewropew

Artikolu III-330

1.   Liġi jew liġi kwadru Ewropea tal-Kunsill għandha tistabbilixxi l-miżuri neċessarji għall-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'vot dirett universali skond proċedura uniformi fl-Istati Membri kollha jew skond il-prinċipji komuni għall-Istati Membri kollha.

Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu fuq inizjattiva mill-Parlament Ewropew u wara li jikseb l-approvazzjoni tiegħu, li għandu jaġixxi b'maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu. Din il-liġi jew liġi kwadru għandha tidħol fis-seħħ wara li tkun ġiet approvata mill-Istati Membri skond il-ħtiġiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom.

2.   Liġi Ewropea tal-Parlament Ewropew, għandha tistabbilixxi r-regolamenti u l-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-kompiti tal-Membri tiegħu. Il-Parlament Ewropew għandu jaġixxi fuq l-inizjattiva tiegħu stess wara li jfittex opinjoni mill-Kummissjoni u wara l-approvazzjoni mill-Kunsill. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu fuq ir-regoli jew il-kondizzjonijiet kollha li għandhom x'jaqsmu mat-tassazzjoni tal-membri jew tal-Membri preċedenti.

Artikolu III-331

Il-liġi Ewropea għandha tistabbilixxi r-regolamenti dwar il-partiti politiċi fuq livell Ewropew previsti fl-Artikolu I-46(4) u b'mod partikolari regoli li jirrigwardaw il-fondi għalihom.

Artikolu III-332

Il-Parlament Ewropew jista', b'maġġoranza tal-Membri komponenti tiegħu, jitlob lill-Kummissjoni tissottometti kull proposta xierqa dwar materji fejn hu jikkunsidra li hu meħtieġ att ta' l-Unjoni sabiex il-Kostituzzjoni tkun implimentata. Jekk il-Kummissjoni ma tissottomettix proposta, għandha tinforma lill-Parlament Ewropew bir-raġunijiet.

Artikolu III-333

Fil-kompiti tiegħu, l-Parlament Ewropew jista' fuq talba ta' kwart tal-Membri komponenti tiegħu, jistabbilixxi kumitat temporanju ta' inkjesta sabiex jinvestiga, mingħajr preġudizzju għall-poteri konferiti mill-Kostituzzjoni lil istituzzjonijiet jew korpi oħrajn, kontravenzjonijiet allegati jew amministrazzjoni ħażina fl-implimentazzjoni tad-dritt ta' l-Unjoni, ħlief meta l-fatti allegati jkunu qed jiġu eżaminati quddiem qorti u sakemm l-każ ikun għadu suġgett għall-proċedimenti legali.

Il-kumitat temporanju ta' inkjesta għandu jispiċċa mas-sottomissjoni tar-rapport tiegħu.

Liġi Ewropea tal-Parlament Ewropew għandha tistabbilixxi d-disposizzjonijiet dettaljati li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta' inkjesta. Il-Parlament Ewropew għandu jaġixxi fuq l-inizjattiva tiegħu stess wara li jiskeb l-approvazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.

Artikolu III-334

Skond l-Artikolu I-10(2)(d), kull ċittadin ta' l-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru, għandha d-dritt li tindirizza, individwalment jew f'assoċjazzjoni ma' persuni oħra, petizzjoni lill-Parlament Ewropew dwar materja li taqa' fl-oqsma ta' attività ta' l-Unjoni u li tolqot lilu jew lilha direttament.

Artikolu III-335

1.   Il-Parlament Ewropew għandu jeleġġi Ombudsman Ewropew. Skond l-Artikoli I-10(2)(d) u I-49, hu għandu s-setgħa jirċievi ilmenti minn kull ċittadin ta' l-Unjoni jew kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċju reġistrat tagħha fi Stat Membru dwar każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet ta' l-istituzzjonijiet, il-korpi jew l-aġenziji ta' l-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea fl-eżerċizzju tar-rwol ġudizzjarju tagħha.

Skond il-kompiti tiegħu, l-Ombudsman, jew fuq l-inizjattiva tiegħu stess jew fuq bażi ta' ilmenti sottomessi lilu direttament jew permezz ta' Membru tal-Parlament Ewropew, jipproċedi bl-inkjesti li dwarhom isib bażi, ħlief meta l-fatti allegati huma jew kienu s-suġġett ta' proċedimenti legali. Meta l-Ombudsman jistabbilixxi każ ta' amministrazzjoni ħażina, għandu jirreferi l-kwistjoni lill-istituzzjoni, lill-korp jew lill-aġenzija konċernati, li għandhom perijodu ta' tliet xhur biex fih jinfurmawh bl-opinjonijiet tagħhom. L-Ombudsman Ewropew għandu mbagħad jgħaddi rapport lill-Parlament Ewropew u lill-istituzzjoni, lill-korp jew lill-aġenzija konċernati. Il-persuna li tippreżenta l-ilment għandha tiġi informata bir-riżultat ta' dawn l-inkjesti.

L-Ombudsman għandu jissottometti rapport annwali lill-Parlament Ewropew dwar ir-riżultat ta' l-inkjesti tiegħu.

2.   L-Ombudsman għandu jinħatar wara kull elezzjoni tal-Parlament Ewropew għat-tul tal-mandat tiegħu. L-Ombudsman għandu jkun eleġibbli għall-ħatra mill-ġdid.

L-Ombudsman jista' jitkeċċa mill-Qorti tal-Ġustizzja fuq talba tal-Parlament Ewropew jekk ma jibqax jissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-qadi tad-dmirijietu jew jekk ikun ħati ta' miskondotta serja.

3.   L-Ombudsman għandu jkun kompletament indipendenti fil-qadi ta' dmirijietu. Fil-qadi ta' dawk id-dmirijiet la għandu jfittex u lanqas jieħu struzzjonijiet minn kwalunkwe istituzzjoni, korp jew aġenzija. L-Ombudsman ma jistax, tul il-mandat tiegħu, jinvolvi ruħu f'xi xogħol ieħor, kemm jekk bi qligħ u kemm jekk le.

4.   Liġi Ewropea tal-Parlament Ewropew għandha tistabbilixxi r-regolamenti u l-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-qadi tad-dmirijiet ta' l-Ombudsman. Il-Parlament Ewropew għandu jaġixxi fuq l-inizjattiva tiegħu stess wara li jfittex opinjoni mill-Kummissjoni u bl-approvazzjoni tal-Kunsill.

Artikolu III-336

Il-Parlament Ewropew għandu sessjoni annwali. Għandu jiltaqa', mingħajr ma jeħtieġ li jiġi msejjaħ, nhar ta' Tlieta fit-tieni ġimgħa tax-xahar ta' Marzu.

Il-Parlament Ewropew jista' jiltaqa' f'sessjoni parzjali straordinarja fuq talba ta' maġġoranza tal-Membri komponenti tiegħu jew fuq it-talba tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni.

Artikolu III-337

1.   Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill għandhom jinstemgħu mill-Parlament Ewropew skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill Ewropew u f'dawk tal-Kunsill.

2.   Il-Kummissjoni tista' tattendi għal-laqgħat kollha tal-Parlament Ewropew, u għandha tinstema' fuq talba tagħha. Għandha twieġeb oralment jew bil-miktub għall-mistoqsijiet li jagħmlulha l-Parlament Ewropew jew il-Membri tiegħu.

3.   Il-Parlament Ewropew għandu jiddiskuti f'sessjoni miftuħa ir-rapport annwali ġenerali sottomess lilu mill-Kummissjoni.

Artikolu III-338

Ħlief kif provdut xort'oħra fil-Kostituzzjoni, l-Parlament Ewropew għandu jaġixxi b'maġġoranza tal-voti espressi. Ir-Regoli ta' Proċedura tiegħu għandhom jiddeterminaw il-quorum.

Artikolu III-339

Il-Parlament Ewropew għandu jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu b'maġġoranza tal-Membri komponenti tiegħu.

Il-proċeduri tal-Parlament Ewropew għandhom jiġu ppubblikati bil-mod kif stabbilit fil-Kostituzzjoni u fir-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament.

Artikolu III-340

Jekk mozzjoni ta' ċensura fuq l-attivitajiet tal-Kummissjoni titressaq quddiemu, l-Parlament Ewropew m'għandux jivvota fuqha sa mill-inqas tlett ijiem wara li l-mozzjoni tkun tressqet, u għandu jagħmel hekk b'vot miftuħ biss.

Jekk il-mozzjoni ta' ċensura tiġi adottata b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-voti espressi, li jirrappreżentaw maġġoranza tal-membri komponenti tal-Parlament Ewropew, il-membri tal-Kummissjoni għandhom jirriżenjaw kollettivament mill-kariga tagħhom u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni għandu jirreżenja mid-dmirijiet li jaqdi fil-Kummissjoni. Huma għandhom jibqgħu fil-kariga u jkomplu jwettqu x-xogħol kurrenti tagħhom sakemm jiġu sostitwiti skond l-Artikoli I-26 u I-27. F'dan il-każ, il-mandat tal-membri tal-Kummissjoni maħtura biex jissostitwuhom għandu jiskadi fid-data li kellu jiskadi l-mandat tal-membri tal-Kummissjoni li kienu obbligati jirriżenjaw kollettivament.

Subsezzjoni 2

Il-Kunsill Ewropew

Artikolu III-341

1.   Meta jittieħed vot, kwalunkwe membru tal-Kunsill Ewropew jista' wkoll jaġixxi għan-nom ta' mhux iktar minn membru wieħed ieħor.

Astensjonijiet minn membri preżenti in persona jew rappreżentati m'għandhomx iżommu l-adozzjoni mill-Kunsill Ewropew ta' atti li jeħtieġu l-unanimità.

2.   Il-President tal-Parlament Ewropew jista' jiġi mistieden biex jinstema' mill-Kunsill Ewropew.

3.   Il-Kunsill Ewropew għandu jaġixxi b'maġġoranza sempliċi għal kwistjonijiet proċedurali u għall-adozzjoni tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu.

4.   Il-Kunsill Ewropew għandu jkun assistit mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

Subsezzjoni 3

Il-Kunsill tal-Ministri

Artikolu III-342

Il-Kunsill għandu jiltaqa' meta jissejjaħ mill-President tiegħu fuq l-inizjattiva ta' dan ta' l-aħħar jew fuq it-talba ta' wieħed mill-membri tiegħu jew tal-Kummissjoni.

Artikolu III-343

1.   Meta jittieħed vot, kwalunkwe membru tal-Kunsill jista' jaġixxi għan-nom ta' mhux iktar minn membru wieħed ieħor.

2.   Meta hu meħtieġ jaġixxi b'maġġoranza sempliċi, l-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu.

3.   L-astensjonijiet minn membri preżenti jew rappreżentati m'għandhomx iżommu l-adozzjoni mill-Kunsill ta' azzjonijiet li jeħtieġu l-unanimità.

Artikolu III-344

1.   Kumitat li jikkonsisti mir-Rappreżentanti Permanenti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri għandu jkun responsabbli għall-preparazzjoni tax-xogħol tal-Kunsill u biex iwettaq il-kompiti mogħtija lilu minn dan ta' l-aħħar. Il-Kumitat jista' jadotta deċiżjonijiet proċedurali f'każijiet previsti fir-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill.

2.   Il-Kunsill għandu jkun assistit minn Segretarjat Ġenerali, taħt ir-responsabbiltà ta' Segretarju Ġenerali maħtur mill-Kunsill.

Il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar l-organizzazzjoni tas-Segretarjat Ġenerali b'maġġoranza sempliċi.

3.   Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza sempliċi għal kwistjonijiet proċedurali u għall-adozzjoni tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu.

Artikolu III-345

Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b'maġġoranza sempliċi, jista' jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel kwalunkwe studju li l-Kunsill jikkunsidra mixtieqa biex jintlaħqu l-miri komuni, u biex tissottometti kwalunkwe proposti xierqa lilu. Jekk il-Kummissjoni ma tissottomettix proposta, għandha tinforma lill-Kunsill bir-raġunijiet.

Artikolu III-346

Il-Kunsill għandu jadotta deċiżjonijiet Ewropej li jistabbilixxu r-regoli li jirregolaw il-kumitati previsti fil-Kostituzzjoni. Għandu jaġixxi b'maġġoranza sempliċi wara li jikkonsulta lill-Kummissjoni.

Subsezzjoni 4

Il-Kummissjoni Ewropea

Artikolu III-347

Il-membri tal-Kummissjoni għandhom iżommu lura minn kull azzjoni li hija inkompatibbli ma' dmirijiethom. L-Istati Membri għandhom jirrispettaw l-indipendenza tagħhom u m'għandhomx ifittxu li jinfluenzawhom fil-qadi ta' dmirijiethom.

Il-membri tal-kummissjoni ma jistgħux, matul il-mandat tagħhom, jeżerċitaw xi professjoni oħra, kemm bi qligħ kif ukoll jekk le. meta jidħlu għal dmirijiethom għandhom jagħtu kelma solenni li, kemm tul kif ukoll wara l-mandat tagħhom, se jirrispettaw l-obbligi li joriġinaw mill-kariga u b'mod partikolari d-dmir tagħhom li jġibu ruħhom b'integrità u diskrezzjoni fir-rigward ta' l-aċċettazzjoni, wara li jkunu waqfu mill-mandat tagħhom, ta' ċerti ħatriet jew benefiċċji. fil-każ ta' xi ksur ta' dawn l-obbligi, l-qorti tal-ġustizzja tista', fuq applikazzjoni mill-kunsill, li jaġixxi b'maġgoranza sempliċi, jew mill-kummissjoni, tiddeċiedi li l-persuna konċernata tiġi, skond iċ-ċirkostanzi, jew irtirata b'mod obbligatorju kif previst fl-artikolu III-349 jew tiġi mċaħħda mid-dritt tagħha għal pensjoni jew benefiċċji oħra minflokha.

Artikolu III-348

1.   Barra minn b'sostituzzjoni regolari, jew bil-mewt, il-funzjonijiet ta' membru tal-Kummissjoni jintemmu individwalment meta dan jirriżenja minn jeddu jew għax jiġi mġiegħel.

2.   Post battal ikkawżat b'riżenja, b'irtirar obbligatorju jew b'mewt għandu jimtela għall-bqija tal-mandat tal-membru minn membru ġdid ta' l-istess nazzjonalità maħtur mill-Kunsill, bi ftehim komuni mal-President tal-Kummissjoni, wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew u skond il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu I-26(4).

Il-Kunsill jista', billi jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta tal-President tal-Kummissjoni, jiddeċiedi li dan il-post battal m'hemmx bżonn li jimtela, b'mod partikolari meta ż-żmien li fadal għall-mandat tal-Membru hu qasir.

3.   Fil-każ ta' riżenja, irtirar obbligatorju jew mewt, il-President għandu jiġi sostitwit għall-bqija tal-mandat tiegħu, skond l-Artikolu I-27(1).

4.   Fil-każ ta' riżenja, irtirar obbligatorju jew mewt, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni għandu jiġi sostitwit, għall-bqija tal-mandat tiegħu, skond l-Artikolu I-28(1).

5.   Fil-każ tar-riżenja tal-Membri kollha tal-Kummissjoni, huma għandhom jibqgħu fil-kariga u jkomplu jwettqu ix-xogħol kurrenti tagħhom sakemm jiġu sostitwiti, għall-bqija tal-mandat tagħhom, skond l-Artikoli I-26 u I-27.

Artikolu III-349

Jekk kwalunkwe membru tal-Kummissjoni ma jibqax jissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-qadi ta' dmirijietu jew jekk jinstab ħati ta' kondotta ħażina serja, l-Qorti tal-Ġustizzja tista' fuq applikazzjoni mill-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza sempliċi, jew mill-Kummissjoni, tkeċċih.

Artikolu III-350

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu I-28(4), ir-responsabbiltajiet li jaqgħu fuq il-Kummissjoni għandhom ikunu mfassla u allokati fost il-membri tagħha mill-President tagħha, skond l-Artikolu I-27(3). Il-President jista' jqalleb l-allokazzjoni ta' dawk ir-responsabbiltajiet matul iż-żmien li l-Kummissjoni tkun fil-kariga. Il-Membri tal-Kummissjoni għandhom jaqdu d-dmirjiet mogħtija lilhom mill-President taħt l-awtorità tiegħu.

Artikolu III-351

Il-Kummissjoni għandha taġixxi bil-maġġoranza tal-membri tagħha. Ir-Regoli ta' Proċedura tagħha għandhom jiddeterminaw il-quorum.

Artikolu III-352

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta r-Regoli ta' Proċedura tagħha sabiex tassigura kemm il-ħidma tagħha kif ukoll dik tad-dipartimenti tagħha. Għandha tassigura li dawn ir-regoli jiġu ppubblikati.

2.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika annwalment, mhux iktar tard minn xahar qabel il-ftuħ tas-sessjoni tal-Parlament Ewropew, rapport ġenerali dwar l-attivitajiet ta' l-Unjoni.

Subsezzjoni 5

Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea

Artikolu III-353

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiltaqa' f'awli, bħala Awla Manja jew f'sessjoni plenarja, skond l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu III-354

Il-Qorti tal-Ġustizzja tkun mgħejjuna minn tmien Avukati Ġenerali. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja titlob hekk, il-Kunsill jista', b'mod unanimu, jadotta deċiżjoni biex iżid in-numru ta' Avukati Ġenerali.

L-Avukat Ġenerali għandu d-dmir li, b'imparzjalità u b'indipendenza kompleta, jagħmel, fil-qorti bil-miftuħ, opinjonijiet motivati dwar każijiet li, skond l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-involviment tiegħu.

Artikolu III-355

L-imħallfin u l-avukati ġenerali tal-qorti tal-ġustizzja għandhom jintgħażlu minn fost persunalitajiet li dwar l-indipendenza tagħhom ma jkunx hemm dubju u li għandhom il-kwalifiki kollha meħtieġa biex jeżerċitaw, fil-pajjiżi rispettivi tagħhom, l-ogħla funzjonijiet ġudizzjarji, jew li huma ġuriskonsulti ta' kompetenza magħrufa. huma għandhom jinħatru bi ftehim komuni mill-gvernijiet ta' l-istati membri wara konsultazzjoni mal-panel stabbilit fl-artikolu III-357.

Kull tliet snin għandu jkun hemm sostituzzjoni parzjali ta' l-Imħallfin u l-Avukati Ġenerali, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea.

L-Imħallfin għandhom jaħtru minn fosthom il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja għal tliet snin. Hu jista' jerga' jiġi elett.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tadotta r-Regoli ta' Proċedura tagħha. Dawk ir-Regoli jeħtieġu l-approvazzjoni tal-Kunsill.

Artikolu III-356

In-numru ta' Imħallfin tal-Qorti Ġenerali għandu jiġi stabbilit mill-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea. L-Istatut jista' jipprovdi li l-Qorti Ġenerali tkun assistita minn Avukati Ġenerali.

Il-membri tal-Qorti Ġenerali għandhom jintgħażlu minn fost persuni li dwar l-indipendenza tagħhom ma jkunx hemm dubju u li għandhom l-abiltà meħtieġa biex jeżerċitaw kariga ġudizzjarja għolja. Huma għandhom jinħatru bil-qbil komuni tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri wara l-konsultazzjoni tal-panel previst fl-Artikolu III-357.

Kull tliet snin għandu jkun hemm tibdila parzjali fil-Qorti Ġenerali.

L-Imħallfin għandhom jaħtru l-President tal-Qorti Ġenerali minn fosthom għal terminu ta' tliet snin. Hu jista' jerga' jiġi elett.

Il-Qorti Ġenerali għandha tistabbilixxi r-Regoli ta' Proċedura tagħha bi ftehim mal-Qorti tal-Ġustizzja. Ir-Regoli għandhom ikunu suġġetti għall-approvazzjoni tal-Kunsill.

Sakemm l-Istatut ma jipprovdix mod ieħor, id-disposizzjonijiet tal-Kostituzzjoni dwar il-Qorti tal-Ġustizzja għandhom japplikaw għall-Qorti Ġenerali.

Artikolu III-357

Għandu jiġi stabbilit panel sabiex jagħti opinjoni dwar l-idoneità tal-kandidati sabiex jaqdu d-dmirijiet ta' Imħallef u Avukat Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali qabel ma l-gvernijiet ta' l-Istati Membri jieħdu d-deċiżjonijiet previsti fl-Artikoli III-355 u III-356.

Il-panel għandu jinkludi seba' persunalitajiet magħżula minn fost membri preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali, membri ta' qrati supremi nazzjonali u avukati ta' kompetenza rikonoxxuta, li wieħed minnhom għandu jiġi propost mill-Parlament Ewropew. Il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni Ewropea li tistabbilixxi r-regoli ta' ħidma tal-panel u deċiżjoni Ewropea għall-ħatra tal-membri tiegħu. Għandu jaġixxi fuq l-inizjattiva tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Artikolu III-358

1.   Il-Qorti Ġenerali tkun kompetenti biex tisma' u tiddeċiedi fl-ewwel istanza r-rikorsi previsti fl-Artikoli III-365, III-367, III-370, III-372 u III-374, ħlief għal dawk assenjati lil qorti speċjalizzata stabbilita skond l-Artikolu III-359 u dawk li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea jirreserva għall-Qorti tal-Ġustizzja. L-Istatut jista' jipprovdi li l-Qorti Ġenerali tkun kompetenti għal kategoriji oħrajn ta' rikorsi.

Deċiżjonijiet mogħtija mil-Qorti Ġenerali taħt dan il-paragrafu jistgħu jkunu suġgetti għal dritt ta' appell lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq punti ta' liġi biss, taħt il-kondizzjonijiet u fil-limiti stabbiliti mill-Istatut.

2.   Il-Qorti Ġenerali tkun kompetenti biex tisma' u tiddeċiedi rikorsi miġjuba kontra d-deċiżjonijiet tal-qrati speċjalizzati.

Deċiżjonijiet mogħtija mil-Qorti Ġenerali taħt dan il-paragrafu jistgħu jkunu suġġetti eċċezzjonalment għal reviżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja taħt il-kondizzjonijiet u fil-limiti stabbiliti mill-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea, fejn ikun hemm riskju serju li ser tintlaqat l-unità jew il-konsistenza tad-dritt ta' l-Unjoni.

3.   Il-Qorti Ġenerali tkun kompetenti biex tisma' u tiddetermina kwistjonijiet riferiti għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu III-369, f'oqsma speċifiċi stabbiliti mill-Istatut.

Meta l-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-każ jeħtieġ deċiżjoni ta' prinċipju li x'aktarx tolqot l-unità jew il-konsistenza tad-dritt ta' l-Unjoni tista' tirreferi l-każ lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni.

Deċiżjonijiet mogħtija mil-Qorti Ġenerali fuq kwistjonijiet riferiti għal deċiżjoni preliminari jistgħu jkunu suġgetti eċċezzjonalment għal reviżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja taħt il-kondizzjonijiet u fil-limiti stabbiliti mill-Istatut, fejn ikun hemm riskju serju li ser tinlaqat l-unità jew il-konsistenza tad-dritt ta' l-Unjoni.

Artikolu III-359

1.   Il-liġi Ewropea tista' tistabbilixxi qrati speċjalizzati annessi mal-Qorti Ġenerali biex jisimgħu u jiddeterminaw fl-ewwel istanza ċerti klassijiet ta' rikorsi f'oqsma speċifiċi. Għandha tiġi adottata jew fuq proposta mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Qorti tal-Ġustizzja jew fuq it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni.

2.   Il-liġi Ewropea li tistabbilixxi qorti speċjalizzata għandha tistabbilixxi r-regoli dwar l-organizzazzjoni tal-qorti u l-limitu tal-kompetenza mogħtija lilha.

3.   Id-deċiżjonijiet mogħtija minn qrati speċjalizzati jistgħu jkunu suġġetti għal dritt ta' appell fuq punti tal-liġi Ewropea biss jew, meta previsti fil-liġi li tistabbilixxi l-qorti speċjalizzata, dritt ta' appell ukoll fuq kwistjonijiet ta' fatt, quddiem il-Qorti Ġenerali.

4.   Il-membri tal-qrati speċjalizzati għandhom jintgħażlu minn fost persuni li dwar l-indipendenza tagħhom ma jkunx hemm dubju u li għandhom l-abiltà meħtieġa biex jeżerċitaw kariga ġudizzjarja. Huma għandhom jiġu maħtura mill-Kunsill li jaġixxi b'mod unanimu.

5.   Il-qrati speċjalizzati għandhom jistabbilixxu r-Regoli ta' Proċedura tagħhom bi ftehim mal-Qorti tal-Ġustizzja. Dawk ir-Regoli jeħtieġu l-approvazzjoni tal-Kunsill.

6.   Sakemm il-liġi Ewropea li tistabbilixxi l-qorti speċjalizzata ma tipprovdix xort'oħra, d-disposizzjonijiet tal-Kostituzzjoni li jirrigwardaw il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea u d-disposizzjonijiet ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea għandhom japplikaw għall-qrati speċjalizzati. It-Titolu I ta' l-Istatut u l-Artikolu 64 tiegħu għandhom japplikaw fi kwalunkwe każ għall-qrati speċjalizzati.

Artikolu III-360

Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li Stat Membru ikun naqas li jissodisfa obbligu taħt il-Kostituzzjoni, hija għandha tagħti opinjoni motivata dwar il-kwistjoni wara li tagħti lill-Istat konċernat l-opportunità li jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu.

Jekk l-Istat konċernat ma jħarisx l-opinjoni fil-perijodu stabbilit mill-Kummissjoni, din ta' l-aħħar tista' ġġib il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu III-361

Kull Stat Membru li jikkunsidra li Stat Membru ieħor ikun naqas li jissodisfa obbligu skond il-Kostituzzjoni jista' jġib il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea.

Qabel ma Stat Membru jagħmel rikors kontra Stat Membru ieħor għal ksur allegat ta' obbligu taħt il-Kostituzzjoni, għandu jressaq il-kwistjoni quddiem il-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni għandha tagħti opinjoni motivata wara li kull wieħed mill-Istati konċernati jkun ingħata l-opportunità li jissottometti l-każ kontra tiegħu u l-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-każ tal-parti l-oħra kemm bil-fomm u kemm bil-miktub.

Jekk il-Kummissjoni ma tkunx tat opinjoni fi żmien tliet xhur mid-data li fiha l-kwistjoni tkun ġiet imressqa quddiemha, l-assenza ta' din l-opinjoni m'għandhiex tipprekludi l-kwistjoni milli titressaq quddiem il-Qorti.

Artikolu III-362

1.   Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea ssib li Stat Membru jkun naqas milli jissodisfa xi obbligu taħt il-Kostituzzjoni, dak l-Istat għandu jintalab jieħu l-miżuri meħtieġa biex iħares is-sentenza tal-Qorti.

2.   Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Istat Membru konċernat ma jkunx ħa l-miżuri neċessarji biex josserva s-sentenza prevista fl-ewwel paragrafu, tista' ġġib il-każ quddiem il-Qorti tal-ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea wara li tagħti lil dak l-Istat l-opportunità li jissottometti l-oservazzjonijiet tiegħu. Hi għandha tispeċifika l-ammont ta' ħlas ta' somma f'daqqa jew ta' pagamenti ta' penali li għandu jitħallas mill-Istat Membru konċernat li hi tikkunsidra xierqa fiċ-ċirkostanzi.

Jekk il-Qorti ssib li l-Istat Membru konċernat ma jkunx ħares is-sentenza tista' timponi l-ħlas ta' somma f'daqqa jew ta' pagamenti ta' penali.

Din il-proċedura għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-Artikolu III-361.

3.   Meta l-Kummissjoni tressaq każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea skond l-Artikolu III-360 fuq il-bażi li l-Istat Membru konċernat naqas milli jissodisfa l-obbligi tiegħu li jinnotifika miżuri li jittrasponu liġi kwadru Ewropea, hi tista', meta jidhrilha xieraq, tispeċifika l-ammont ta' ħlas ta' somma f'daqqa jew ta' pagamenti ta' penali li trid titħallas mill-Istat Membru konċernat u li hi tqis xierqa fiċ-ċirkostanzi.

Jekk il-Qorti ssib li hemm ksur ta' liġi tista' timponi l-ħlas ta' somma f'daqqa jew ta' pagamenti ta' penalità fuq l-Istat Membru konċernat, li ma tkunx taqbeż l-ammont speċifikat mill-Kummissjoni. L-obbligu tal-ħlas jibda jseħħ fid-data stabbilita mill-Qorti fis-sentenza tagħha.

Artikolu III-363

Il-liġijiet u r-regolamenti Ewropej tal-Kunsill jistgħu jagħtu lill-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea kompetenza illimitata fir-rigward tas-sanzjonijiet previsti fihom.

Artikolu III-364

Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet l-oħra tal-Kostituzzjoni, liġi Ewropea tista' tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea, sal-limitu li għandha tiddetermina hi, kompetenza li tisma' tilwim dwar l-applikazzjoni ta' atti adottati fuq bażi tal-Kostituzzjoni li joħolqu drittijiet Ewropej ta' proprjetà intellettwali.

Artikolu III-365

1.   Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea għandha tirrevedi l-legalità tal-liġijiet u l-liġijiet kwadru Ewropej, ta' l-atti tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u tal-Bank Ċentrali Ewropew, li ma jkunux rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet, u ta' l-atti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Ewropew maħsuba biex jipproduċu effetti legali fil-konfront ta' partijiet terzi. Hija għandha wkoll tirrevedi l-legalità ta' l-atti ta' korpi jew aġenziji ta' l-Unjoni maħsuba biex jipproduċu effetti legali fil-konfront ta' partijiet terzi.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea tkun kompetenti f'rikorsi magħmula minn Stat Membru, mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni fuq bażi ta' nuqqas ta' kompetenza, ksur ta' ħtieġa proċedurali essenzjali, ksur tal-Kostituzzjoni jew ta' xi regola tad-dritt dwar l-applikazzjoni tagħha, jew l-użu ħażin tal-poteri.

3.   Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea għandha ġurisidizzjoni taħt l-istess kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 f'rikorsi magħmula mill-Qorti ta'l-Awdituri, mill-Bank Ċentrali Ewropew u mill-Kumitat tar-Reġjuni għall-fini tal-protezzjoni tal-prerogattivi tagħhom.

4.   Kull persuna fiżika jew ġuridika tista', taħt l-istess kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2, tistitwixxi proċeduri kontra att indirizzat lil dik il-persuna jew li hu ta' interess dirett u individwali għaliha, u kontra att regolatorju li hu ta' interess dirett għaliha u li ma jinvolvix miżuri ta' eżekuzzjoni.

5.   Atti li jistabbilixxu korpi u aġenziji ta' l-Unjoni jistgħu jistabbilixxu kondizzjonijiet u arranġamenti partikolari li jikkonċernaw rikorsi magħmula minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi kontra atti ta' dawn il-korpi jew aġenziji maħsuba biex jipproduċu effetti legali fir-rigward tagħhom.

6.   Il-proċeduri previsti f'dan l-Artikolu għandhom jiġu istitwiti fi żmien xahrejn mill-pubblikazzjoni ta' l-att, jew tan-notifika tiegħu lill-attur, jew fin-nuqqas ta' dawn, fil-jum li fih l-attur sar jaf bih, skond il-każ.

Artikolu III-366

Jekk l-azzjoni tkun fondata l-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea għandha tiddikjara li l-att konċernat huwa null u mingħajr effett.

Madankollu, l-Qorti tal-Ġustizzja għandha, jekk tikkunsidra dan neċessarju, tiddikjara liema mill-effetti ta' l-att li hi ddikjarat null għandhom jiġu kkunsidrati bħala definittivi.

Artikolu III-367

Jekk il-Parlament Ewropew, il-Kunsill Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni jew il-Bank Ċentrali Ewropew, bi ksur tal-Kostituzzjoni, jonqsu milli jaġixxu, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet l-oħrajn ta' l-Unjoni jistgħu jagħmlu rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea sabiex jiġi stabbilit il-ksur. Dan l-Artikolu għandu japplika taħt l-istess kondizzjonijiet, għal korpi u aġenziji ta' l-Unjoni li jonqsu milli jaġixxu.

L-azzjoni għandha tkun ammissibbli biss jekk l-istituzzjoni, l-korp jew l-aġenzija konċernata jkunu l-ewwel ġew imsejħa biex jaġixxu. Jekk, fi żmien xahrejn minn meta jissejjħu, l-istituzzjoni, l-korp jew l-aġenzija ma jkunux ħadu l-posizzjoni tagħhom, l-azzjoni tista' tinġieb fi żmien perijodu ulterjuri ta' xahrejn.

Kull persuna fiżika jew ġuridika tista', taħt il-kondizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni paragrafi, tilmenta lill-Qorti tal-Ġustizzja li istituzzjoni, korp jew aġenzija ta' l-Unjoni jkunu naqsu milli joħorġulha kwalunkwe att li ma jkunx rakkomandazzjoni jew opinjoni.

Artikolu III-368

L-istituzzjoni, l-korp jew l-aġenzija li l-att tagħhom ġie ddikjarat null, jew li n-nuqqas tagħhom li jaġixxu ġie ddikjarat kontra l-Kostituzzjoni, għandhom ikunu meħtieġa jieħdu l-miżuri neċessarji biex josservaw is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan l-obbligu m'għandu jippreġudika l-ebda obbligu li jista' jirriżulta mill-applikazzjoni tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu III-431.

Artikolu III-369

Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea tkun kompetenti li tagħti deċiżjonijiet preliminari dwar:

a)

l-interpretazzjoni tal-Kostituzzjoni;

b)

il-validità u l-interpretazzjoni ta' atti ta' l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji ta' l-Unjoni.

Meta kwistjoni bħal din titqajjem quddiem kwalunkwe qorti jew tribunal ta' Stat Membru, dik il-qorti jew dak it-tribunal jistgħu, jekk iqisu li tkun meħtieġa deċiżjoni fuq il-kwistjoni sabiex ikunu jistgħu jagħtu sentenza, jitolbu lill-Qorti biex tiddeċiedi fuqha.

Meta kwalunkwe kwistjoni ta' dan it-tip titqajjem f'każ pendenti quddiem qorti jew tribunal ta' Stat Membru li kontra d-deċiżjonijiet tagħha ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali, dik il-qorti jew dak it-tribunal għandhom iressqu l-kwistjoni quddiem il-Qorti.

Jekk din il-kwistjoni titressaq f'każ pendenti quddiem qorti jew tribunal ta' Stat Membru fir-rigward ta' persuna detenuta, l-Qorti tal-Ġustizzja għandha taġixxi bil-minimu ta' dewmien.

Artikolu III-370

Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea tkun kompetenti li tisma' tilwim dwar kumpens għad-danni previsti fit-tieni u t-tielet paragrafi ta' l-Artikolu III-431.

Artikolu III-371

Il-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx kompetenti li tiddeċiedi dwar il-legalità ta' att adottat mill-Kunsill Ewropew jew mill-Kunsill skond l-Artikolu I-59 ħlief fuq talba ta' l-Istat Membru konċernat minn determinazzjoni tal-Kunsill Ewropew jew tal-Kunsill u ħlief fir-rigward tad-disposizzjonijiet proċedurali li jinsabu f'dak l-Artikolu.

Din it-talba għandha ssir fi żmien xahar mid-data ta' tali determinazzjoni. Il-Qorti għandha tiddeċiedi fi żmien xahar mid-data ta' dik it-talba.

Artikolu III-372

Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea tkun kompetenti f'kull tilwima bejn l-Unjoni u l-impjegati tagħha fil-limiti u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet ta' l-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-oħra ta' l-Unjoni.

Artikolu III-373

Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea tkun kompetenti, fil-limiti stabbiliti hawn taħt, biex tieħu konjizzjoni f'tilwim dwar:

a)

it-twettiq minn Stati Membri ta' obbligi taħt l-Istatut tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment. F'dan ir-rigward, il-Bord tad-Diretturi tal-Bank għandu jgawdi l-poteri mogħtija mill-Kummissjoni bis-saħħa ta' l-Artikolu III-360;

b)

miżuri meħuda mill-Bord tal-Gvernaturi tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment. F'dan ir-rigward, kull Stat Membru, l-Kummissjoni jew il-Bord tad-Diretturi tal-Bank jistgħu jagħmlu rikors skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu III-365;

ċ)

miżuri meħuda mill-Bord tad-Diretturi tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment. Rikors kontra dawn il-miżuri jista' jsir biss minn Stati Membri jew mill-Kummissjoni, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu III-365, u fuq bażi biss ta' nuqqas ta' ħarsien tal-proċedura prevista fl-Artikolu 19(2), (5), (6) u (7) ta' l-Istatut tal-Bank;

d)

it-twettiq minn banek ċentrali nazzjonali ta' obbligi taħt il-Kostituzzjoni u ta' l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u l-Bank Ċentrali Ewropew. F'dan ir-rigward il-poteri tal-Kunsill Regolatorju tal-Bank Ċentrali Ewropew, fir-rigward ta' banek ċentrali nazzjonali, għandhom jkunu l-istess bħal dawk mogħtija lill-Kummissjoni fir-rigward ta' l-Istati Membri bl-Artikolu III-360. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea ssib li bank ċentrali nazzjonali jkun naqas milli jwettaq xi obbligu taħt din il-Kostituzzjoni, dak il-bank hu marbut li jieħu l-miżuri neċessarji biex josserva s-sentenza tal-Qorti.

Artikolu III-374

Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea tkun kompetenti li tagħti sentenza skond kull klawżola ta' arbitraġġ f'kuntratt konkluż minn jew għan-nom ta' l-Unjoni, kemm jekk dak il-kuntratt ikun irregolat bid-dritt pubbliku jew bid-dritt privat.

Artikolu III-375

1.   Ħlief meta l-ġurisidizzjoni tingħata lill-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea mill-Kostituzzjoni, t-tilwim li fih l-Unjoni hija parti m'għandux fuq dik il-bażi jiġi eskluż mill-kompetenza tal-ġurisdizzjoni nazzjonali.

2.   L-Istati Membri jintrabtu li ma jissottomettux nuqqas ta' qbil dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tal-Kostituzzjoni għal kwalunkwe metodu ta' soluzzjoni barra minn dawk previsti hemmhekk.

3.   Il-Qorti tal-Ġustizzja tkun kompetenti li tisma kull nuqqas ta' qbil bejn Stati Membri marbuta mas-suġġett tal-Kostituzzjoni jekk in-nuqqas ta' qbil jiġi sottomess lilha taħt ftehim speċjali bejn il-partijiet.

Artikolu III-376

Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea ma tkunx kompetenti fir-rigward ta' l-Artikoli I-40 u I-41 u d-disposizzjonijiet tal-Kapitolu II tat-Titolu V li jikkonċernaw il-politika estera u ta' sigurtà komuni u l-Artikolu III-293 safejn tikkonċerna l-politika estera u ta' sigurtà komuni.

Madanakollu, l-Qorti tkun kompetenti sabiex tissorvelja l-ħarsien ma' l-Artikolu III-308 u sabiex tiddeċiedi dwar rikorsi, magħmula skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu III-365(4), dwar il-legalità ta' deċiżjonijiet li jipprovdu għal miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi adottati mill-Kunsill fuq il-bażi tal-Kapitolu II tat-Titolu V.

Artikolu III-377

Fl-eżerċizzju tal-poteri tagħha li jirrigwardaw is-Sezzjonijiet 4 u 5 tal-Kapitolu IV tat-Titolu III dwar iż-żona tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja, l-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea ma tkunx kompetenti biex tivverifika l-validità jew il-proporzjonalità ta' operazzjonijiet imwettqa mill-pulizija jew minn kull servizz ieħor ta' l-infurzar tal-liġi ta' Stat Membru jew l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet li jaqgħu fuq l-Istati Membri fir-rigward tal-manteniment ta' l-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà interna.

Artikolu III-378

Minkejja l-iskadenza tal-perijodu stabbilit fl-Artikolu III-365(6), kwalunkwe parti tista', f'rikorsi li fihom ikun hemm involut att ta' applikazzjoni ġenerali adottata minn istituzzjoni, korp jew aġenzija ta' l-Unjoni, tibbaża ruħha fuq l-Artikolu III-365(2) sabiex tinvoka quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea l-inapplikabilità ta' dik il-miżura.

Artikolu III-379

1.   Ir-rikorsi miġjuba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea m'għandhomx ikollhom effett ta' sospensjoni. Il-Qorti tista' madanakollu, jekk tikkunsidra li ċ-ċirkostanzi jeħtieġu hekk, tordna li l-applikazzjoni ta' l-att ikkontestat tiġi sospiża.

2.   Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea tista' f'kull każ quddiemha tippreskrivi kwalunkwe miżuri proviżorja meħtieġa.

Artikolu III-380

Is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea għandhom forza eżekuttiva taħt il-kondizzjonijiet previsti fl-Artikolu III-401.

Artikolu III-381

L-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea għandu jiġi stabbilit fi Protokoll.

Il-liġi Ewropea tista' temenda d-disposizzjonijiet ta' l-Istatut, bl-eċċezzjoni tat-Titolu I u l-Artikolu 64. Għandha tkun adottata jew fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja u wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni, jew fuq proposta mill-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Qorti tal-Ġustizzja.

Subsezzjoni 6

Il-Bank Ċentrali Ewropew

Artikolu III-382

1.   Il-Kunsill Regolatorju tal-Bank Ċentrali Ewropew għandu jkun kompost mill-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew u mill-Gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali ta' l-Istati Membri li m'għandhomx deroga kif previst fl-Artikolu III-197.

2.   Il-Bord Eżekuttiv għandu jkun kompost mill-President, mill-Viċi-President u minn erba' membri oħra.

Il-President, il-Viċi-President u l-membri l-oħra tal-Bord Eżekuttiv għandhom jinħatru mill-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill u wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew u l-Kunsill Regolatorju tal-Bank Ċentrali Ewropew, minn fost persuni li r-reputazzjoni u l-esperjenza professjonali fil-qasam monetarju jew bankarju huma rikonoxxuti.

Il-mandat tagħhom għandu jkun għal tmien snin u ma jistax jiġġedded.

Ċittadini ta' l-Istati Membri biss jistgħu jkunu membri tal-Bord Eżekuttiv.

Artikolu III-383

1.   Il-President tal-Kunsill u membru tal-Kummissjoni jistgħu jipparteċipaw, mingħajr ma jkollhom id-dritt għall-vot, f'laqgħat tal-Kunsill Regolatorju tal-Bank Ċentrali Ewropew.

Il-President tal-Kunsill jista' jissottometti mozzjoni għad-deliberazzjoni lill-Kunsill Regolatorju tal-Bank Ċentrali Ewropew.

2.   Il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew għandu jkun mistieden jipparteċipa fil-laqgħat tal-Kunsill meta jkun qed jiddiskuti materji li jirrelataw għall-miri u d-dmirijiet tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali.

3.   Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jibgħat rapport annwali dwar l-attivitajiet tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u dwar il-politika monetarja kemm tas-sena preċedenti kif ukoll dik kurrenti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew għandu jippreżenta dan ir-rapport lill-Parlament Ewropew, li jista' jkollu dibattitu ġenerali fuq dik il-bażi, u lill-Kunsill.

Il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew u l-membri l-oħra tal-Bord Eżekuttiv jistgħu, fuq it-talba tal-Parlament Ewropew jew fuq l-inizjattiva tagħhom stess, jinstemgħu mill-kumitati kompetenti tal-Parlament Ewropew.

Subsezzjoni 7

Il-Qorti ta' l-Awdituri

Artikolu III-384

1.   Il-Qorti ta' l-Awdituri għandha teżamina l-kontijiet tad-dħul u l-ħruġ kollu ta' l-Unjoni. Għandha wkoll teżamina l-kontijiet tad-dħul u l-ħruġ kollu ta' kwalunkwe korp jew aġenzija stabbilita mill-Unjoni sa fejn l-istrument li jistabbilixxi tali korp jew aġenzija ma jipprekludix dan l-eżami.

Il-Qorti ta' l-Awdituri għandha tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b'dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabilità tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità ta' l-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom, li għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Din id-dikjarazzjoni tista' tiġi supplimentata bi stimi speċifiċi għal kull qasam maġġuri ta' l-attività ta' l-Unjoni.

2.   Il-Qorti ta' l-Awdituri għandha teżamina jekk id-dħul kollu ġiex riċevut u jekk il-ħruġ kollu sarx b'mod legali u regolari u jekk l-amministrazzjoni finanzjarja kienitx korretta. B'hekk, għandha tirrapporta b'mod partikolari dwar każijiet ta' irregolarità.

Il-verifika tad-dħul għandha titwettaq fuq bażi ta' l-ammonti stabbiliti bħala dovuti u l-ammonti fil-fatt imħallsa lill-Unjoni.

Il-verifika tal-ħruġ għandha ssir fuq bażi ta' l-impenji u tal-pagamenti magħmula.

Dawn il-verifiki jistgħu jitwettqu qabel l-egħluq tal-kontijiet għas-sena finanzjarja in kwistjoni.

3.   Il-verifika għandha tkun ibbażata fuq reġistri u, jekk meħtieġ, titwettaq fuq il-post fl-istituzzjonijiet l-oħra, jew fl-istabbilimenti ta' kull korp jew aġenzija li jamministra d-dħul jew il-ħruġ għan-nom ta' l-Unjoni u fl-Istati Membri, inkluż l-istabbilimenti ta' kull persuna fiżika jew ġuridika li tirċievi pagamenti mill-budget. Fl-Istati Membri l-verifika għandha titwettaq flimkien ma' korpi nazzjonali ta' verifika, jew jekk dawn ma jkollhomx il-poteri neċessarji, mad-dipartimenti nazzjonali kompetenti. Il-Qorti ta' l-Awdituri u l-korpi nazzjonali tal-verifika ta' l-Istati Membri għandhom jikkoperaw fi spirtu ta' fiduċja filwaqt li jżommu l-indipendenza tagħhom. Dawn il-korpi jew dipartimenti għandhom jinfurmaw lill-Qorti ta' l-Awdituri jekk ikollhomx il-ħsieb li jieħdu parti fil-verifika.

L-istituzzjonijiet l-oħra, kull korp jew aġenzija li jamministraw d-dħul jew il-ħruġ għan-nom ta' l-Unjoni, kull persuna fiżika jew ġuridika li tirċievi pagamenti mill-budget, u l-korpi nazzjonali ta' verifika jew, jekk dawn ma jkollhomx il-poteri meħtieġa, d-dipartimenti nazzjonali kompetenti, għandhom jgħaddu lill-Qorti ta' l-Awdituri, fuq it-talba tagħha, kull dokument jew informazzjoni meħtieġa biex twettaq il-ħidma tagħha.

Fir-rigward ta' l-attività tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment fl-amministrazzjoni tad-dħul u l-ħruġ ta' l-Unjoni, d-drittijiet ta' aċċess mill-Qorti ta' l-Awdituri għal informazzjoni miżmuma mill-Bank għandhom ikunu regolati bi ftehim bejn il-Qorti ta' l-Awdituri, l-Bank u l-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' ftehim, il-Qorti ta' l-Awdituri għandha madanakollu jkollha aċċess għall-informazzjoni neċessarja għall-verifika tal-ħruġ u d-dħul ta' l-Unjoni amministrati mill-Bank.

4.   Il-Qorti ta' l-Awdituri għandha tagħmel rapport annwali wara l-għeluq ta' kull sena finanzjarja. Dan għandu jintbagħat lill-istituzzjonijiet l-oħra u għandu jiġi ppubblikat, flimkien mat-tweġibiet ta' dawn l-istituzzjonijiet għall-osservazzjonijiet tal-Qorti ta' l-Awdituri, fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Hija tista' wkoll, fi kwalunkwe ħin, tissottometti osservazzjonijiet, b'mod partikolari fil-forma ta' rapporti speċjali, dwar mistoqsijiet speċifiċi u tagħti opinjonijiet fuq it-talba ta' waħda mill-istituzzjonijiet l-oħra.

Hija għandha tadotta r-rapporti annwali, rapporti speċjali jew opinjonijiet b'maġġoranza tal-Membri tagħha. Madankollu, tista' tistabbilixxi fi ħdanha awli bl-iskop li tadotta ċerti kategoriji ta' rapporti jew ta' opinjonijiet taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura tagħha.

Hija tassisti l-Parlament Ewropew u l-Kunsill fl-eżerċizzju tal-poteri tagħhom ta' kontroll fuq l-implimentazzjoni tal-budget.

Hija għandha tadotta r-Regoli ta' Proċedura tagħha. Dawk ir-regoli jeħtieġu l-approvazzjoni tal-Kunsill.

Artikolu III-385

1.   Il-membri tal-Qorti ta' l-Awdituri għandhom jintgħażlu minn fost persuni li jappartjenu jew kienu jappartjenu fl-Istati rispettivi tagħhom għal korpi esterni ta' verifika jew li huma speċjalment ikkwalifikati għal din il-kariga. M'għandu jkun hemm l-ebda dubju dwar l-indipendenza tagħhom.

2.   Il-membri tal-Qorti ta' l-Awdituri għandhom jinħatru għal perijodu ta' sitt snin. Il-mandat tagħhom jista' jiġġedded. Il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni Ewropea li tistabbilixxi l-lista tal-Membri mfassla skond il-proposti magħmula minn kull Stat Membru. Għandu jaġixxi wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew.

Il-membri tal-Qorti ta' l-Awdituri għandhom jeleġġu l-President tagħhom minn fosthom għal mandat ta' tliet snin. Hu jista' jerga' jiġi elett.

3.   Fl-eżekuzzjoni tad-dmirijiet tagħhom, il-membri tal-Qorti ta' l-Awdituri m'għandhom la jfittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet minn xi gvern jew minn xi korp ieħor. Għandhom iżommu lura minn kull azzjoni li tkun inkompatibbli mal-funzjonijiet tagħhom.

4.   Il-membri tal-Qorti ta' l-Awdituri ma jistgħux, matul il-mandat tagħhom, iwettqu xi attività professjonali oħra, kemm jekk bi qligħ u kemm jekk le. Meta jidħlu għal kariga għandhom jagħtu kelma solenni li, kemm tul u kemm wara l-kariga tagħhom, jirrispettaw l-obbligi li joriġinaw mill-kariga u b'mod partikolari d-dmir tagħhom li jġibu ruħhom b'integrità u diskrezzjoni fir-rigward ta' l-aċċettazzjoni, wara li jkunu spiċċaw il-kariga tagħhom, ta' ċerti ħatriet jew benefiċċji.

5.   Barra minn sostituzzjoni normali, jew mewt, il-funzjonijiet ta' membru tal-Qorti ta' l-Awdituri għandhom jispiċċaw meta jirriżenja, jew ikun imġiegħel b'deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja skond il-paragrafu 6.

Il-post battal ikkawżat b'dan il-mod għandu jimtela għall-bqija tal-mandat tal-membru.

Ħlief fil-każ ta' rtirar obbligatorju, l-membri tal-Qorti ta' l-Awdituri għandhom jibqgħu fil-kariga sakemm jiġu sostitwiti.

6.   Membru tal-Qorti ta' l-Awdituri jista' jitneħħa mill-kariga jew mid-dritt għal pensjoni jew għal benefiċċji oħra minflokha biss jekk il-Qorti tal-Ġustizzja, fuq it-talba tal-Qorti ta' l-Awdituri, ssib li ma baqax jissodisfaa l-kondizzjonijiet meħtieġa jew ma baqax jissodisfa l-obbligi li jirriżultaw mill-kariga tiegħu.

SEZZJONI 2

KORPI KONSULTATTIVI TA' L-UNJONI

Subsezzjoni 1

Il-Kumitat tar-Reġjuni

Artikolu III-386

In-numru ta' membri tal-Kumitat tar-Reġjuni m'għandux ikun aktar minn 350. Il-Kunsill, b'mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta deċiżjoni Ewropea li tistabbilixxi l-komposizzjoni tal-Kumitat.

Il-membri tal-Kumitat u numru ugwali ta' membri supplenti għandhom jinħatru għal ħames snin. Il-perijodu tal-mandat tagħhom jista' jiġġedded. Ebda membru jew membru supplenti tal-Kumitat ma jista' jkun fl-istess waqt membru tal-Parlament Ewropew.

Il-Kunsill għandu jadotta d-deċiżjoni Ewropea li tistabbilixxi l-lista ta' membri u membri supplenti mfassla skond il-proposti magħmula minn kull Stat Membru.

Meta l-mandat previst fl-Artikolu I-32(2), li abbażi tiegħu kienu proposti jasal fi tmiemu, l-mandat tal-membri tal-Kumitat għandu jintemm awtomatikament u huma għandhom imbagħad jiġu sostitwiti, skond l-istess proċedura, għall-bqija tal-mandat.

Artikolu III-387

Il-Kumitat tar-Reġjuni għandu jaħtar il-president u l-uffiċjali tiegħu minn fost il-membri tiegħu għal mandat ta' sentejn u nofs.

Hu għandu jissejjaħ mill-president tiegħu fuq it-talba tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni. Jista' wkoll jiltaqa' fuq inizjattiva tiegħu stess.

Hu għandu jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu.

Artikolu III-388

Il-Kumitat tar-Reġjuni għandu jiġi kkonsultat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni meta l-Kostituzzjoni tipprovdi hekk u fil-każijiet l-oħra kollha li fihom waħda minn dawn l-istituzzjonijiet tqis xierqa, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw il-koperazzjoni trans-konfini.

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill jew il-Kummissjoni għandu, jekk jikkunsidrawh meħtieġ, jistabbilixxi għas-sottomissjoni mill-Kumitat ta' l-opinjoni tiegħu, terminu ta' żmien li ma jistax ikun inqas minn xahar mid-data li fiha l-president jirċievi notifika għal dan l-iskop. Ma' l-iskadenza tat-terminu taż-żmien, in-nuqqas ta' opinjoni m'għandux iżomm milli tittieħed azzjoni ulterjuri.

Meta l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali jiġi kkonsultat, il-Kumitat tar-Reġjuni għandu jiġi informat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni bit-talba għal opinjoni. Meta jqis illi huma involuti interessi reġjonali speċifiċi, l-Kumitat tar-Reġjuni jista' jesprimi opinjoni fuq il-kwistjoni. Jista' wkoll jissottometti opinjoni fuq l-inizjattiva tiegħu stess.

L-opinjoni tal-Kumitat, flimkien ma' reġistru tal-proċeduri tiegħu, għandhom jintbagħtu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Subsezzjoni 2

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali

Artikolu III-389

In-numru ta' membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali m'għandux ikun aktar minn 350. Il-Kunsill, b'mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta deċiżjoni Ewropea li tiddetermina l-komposizzjoni tal-Kumitat.

Artikolu III-390

Il-membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali għandhom jinħatru għal ħames snin. Il-perijodu tal-mandat tagħhom jista' jiġġedded.

Il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni Ewropea li tistabbilixxi l-lista tal-Membri imfassla skond il-proposti magħmula minn kull Stat Membru.

Il-Kunsill għandu jaġixxi wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni. Jista' jiskeb l-opinjoni tal-korpi Ewropej li huma rappreżentanti tas-setturi ekonomiċi u soċjali diversi, u tas-soċjetà ċivili, interessati mill-attivitajiet ta' l-Unjoni.

Artikolu III-391

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali għandu jaħtar il-president u l-uffiċjali tiegħu minn fost il-membri tiegħu għal mandat ta' sentejn u nofs.

Għandu jitlaqqa' mill-president tiegħu fuq talba tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni. Jista' wkoll jiltaqa' fuq l-inizjattiva tiegħu stess.

Hu għandu jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu.

Artikolu III-392

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali għandu jiġi kkonsultat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni meta l-Kostituzzjoni tipprovdi hekk. Jista' jiġi kkonsultat ukoll minn dawn l-istituzzjonijiet fil-każijiet kollha li huma jikkunsidraw xierqa. Jista' wkoll jissottometti opinjoni fuq l-inizjattiva tiegħu stess.

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill jew il-Kummissjoni għandu, jekk jikkunsidrawh meħtieġ, jistabbilixxi għas-sottomissjoni mill-Kumitat ta' l-opinjoni tiegħu, terminu ta' żmien li ma jistax ikun inqas minn xahar mid-data li fiha l-president jirċievi notifika għal dan l-iskop. Ma' l-iskadenza tat-terminu taż-żmien, in-nuqqas ta' opinjoni m'għandux iżomm milli tittieħed azzjoni ulterjuri.

L-opinjoni tal-Kumitat, flimkien ma' reġistru tal-proċeduri tiegħu, għandha tintbagħat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

SEZZJONI 3

IL-BANK EWROPEW TA' L-INVESTIMENT

Artikolu III-393

Il-Bank Ewropew ta' l-Investiment għandu personalità ġuridika.

Il-membri tiegħu għandhom ikunu l-Istati Membri.

L-Istatut tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment huwa stabbilit fi Protokoll.

Liġi Ewropea tal-Kunsill tista' temenda l-Istatut tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu, kemm fuq talba tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment u wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni, kif ukoll fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew u l-Bank Ewropew ta' l-Investiment.

Artikolu III-394

Il-kompitu tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment għandu jkun li jikkontribwixxi, billi jkollu rikors għas-suq kapitali u billi juża r-riżorsi tiegħu, għall-iżvilupp bilanċjat u kostanti tas-suq intern fl-interess ta' l-Unjoni. Għal dan l-iskop il-Bank Ewropew ta' l-Investiment, mingħajr ma jfittex skop ta' profitt, għandu jiffaċilita, b'mod partikolari billi jagħti self u jagħti garanziji, l-iffinanzjar tal-proġetti li ġejjin fis-setturi kollha ta' l-ekonomija:

a)

proġetti għall-iżvilupp ta' reġjuni inqas żviluppati;

b)

proġetti għall-immodernizzar jew il-konverżjoni ta' impriżi jew għall-iżvilupp ta' attivitajiet ġodda meħtieġa mill-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern, meta dawn il-proġetti huma ta' daqs jew natura tali li ma jistgħux jiġu kompletament iffinanzjati mill-mezzi varji disponibbli fl-Istati Membri individwali;

ċ)

proġetti ta' interess komuni għal diversi Stati Membri li huma ta' daqs jew natura tali li ma jistgħux jiġu kompletament iffinanzjati mill-mezzi varji disponibbli fl-Istati Membri individwali.

Fit-twettiq tal-kompitu tiegħu, l-Bank Ewropew ta' l-Investiment għandu jiffaċilita l-iffinanzjar ta' programmi ta' investiment flimkien ma' assistenza mill-Fondi Strutturali u mill-istrumenti finanzjarji oħrajn ta' l-Unjoni.

SEZZJONI 4

DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI GĦALL-ISTITUZZJONIJIET, IL-KORPI U L-AĠENZIJI TA' L-UNJONI

Artikolu III-395

1.   Meta, skond il-Kostituzzjoni, l-Kunsill jadotta att fuq proposta mill-Kummissjoni, ma jistax jemenda dik il-proposta sakemm ma jiddeċiedix b'mod unanimu, ħlief fil-każijiet previsti fl-Artikoli I-55 u I-56, l-Artikolu III-396(10) u (13), l-Artikolu III-404 u l-Artikolu III-405(2).

2.   Sakemm il-Kunsill ma jkunx aġixxa, l-Kummissjoni tista' tbiddel l-proposta tagħha f'kull ħin tul il-proċeduri li jwasslu għall-adozzjoni ta' att ta' l-Unjoni.

Artikolu III-396

1.   Meta, skond il-Kostituzzjoni, liġijiet jew liġijiet kwadru Ewropej huma adottati taħt il-proċedura leġislattiva ordinarja għandhom japplikaw id-disposizzjonijiet li ġejjin.

2.   Il-Kummissjoni għandha tissottometti proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

3.   Il-Parlament Ewropew għandu jadotta l-posizzjoni tiegħu fl-ewwel qari u jikkomunikaha lill-Kunsill.

4.   Jekk il-Kunsill japprova l-posizzjoni tal-Parlament Ewropew, l-att in kwistjoni għandu jiġi adottat fil-formulazzjoni li tkun tikkorrispondi mal-posizzjoni tal-Parlament.

5.   Jekk il-Kunsill ma japprovax il-posizzjoni tal-Parlament Ewropew, għandu jadotta l-posizzjoni tiegħu fl-ewwel qari u jikkomunikaha lill-Parlament Ewropew.

6.   Il-Kunsill għandu jinforma lill-Parlament Ewropew kompletament bir-raġunijiet li wassluh biex jadotta l-posizzjoni tiegħu fl-ewwel qari. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew kompletament bil-posizzjoni tagħha.

7.   Jekk, fi żmien tliet xhur minn din il-komunikazzjoni, l-Parlament Ewropew:

a)

japprova l-posizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari jew ikun għadu ma ħax deċiżjoni, l-att konċernat għandu jiġik kunsidrat adottat fil-formulazzjoni li tkun tikkorrispondi mal-posizzjoni tal-Kunsill;

b)

jirrifjuta, b'maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu, l-posizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari, l-att propost għandu jitqies li ma ġiex adottat;

ċ)

jipproponi, b'maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu, emendi għall-posizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari, t-test hekk emendat għandu jintbagħat lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, li għandhom jagħtu opinjoni dwar dawk l-emendi.

8.   Jekk, fi żmien tliet xhur minn meta jirċievi l-emendi tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata,

a)

japprova dawk l-emendi kollha, l-att in kwistjoni għandu jitqies li ġie adottat;

b)

ma japprovax l-emendi kollha, l-President tal-Kunsill, bi ftehim mal-President tal-Parlament Ewropew, għandu fi żmien sitt ġimgħat isejjaħ laqgħa tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni.

9.   Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu fuq l-emendi li fuqhom il-Kummissjoni tkun tat opinjoni negattiva.

10.   Il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni, li għandu jkun kompost mill-membri tal-Kunsill jew ir-rappreżentanti tagħhom, u numru ugwali ta' membri li jirrappreżentaw il-Parlament Ewropew, għandu l-kompitu li jilħaq ftehim dwar test konġunt, b'maġgoranza kwalifikata tal-membri tal-Kunsill jew ir-rappreżentanti tagħhom u b'maġġoranza tal-membri li jirrappreżentaw il-Parlament Ewropew fi żmien sitt ġimgħat minn meta jissejjaħ, fuq bażi tal-posizzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fit-tieni qari.

11.   Il-Kummissjoni għandha tieħu parti fix-xogħol tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni u għandha tieħu l-inizjattivi kollha meħtieġa bl-iskop li tirrikonċilja l-posizzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

12.   Jekk, fi żmien sitt ġimgħat minn meta jissejjaħ, il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni ma japprovax it-test konġunt, l-att propost għandu jitqies li ma jkunx ġie adottat.

13.   Jekk, f'dak il-perijodu, il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni japprova test konġunt, il-Parlament Ewropew, li jaġixxi b'maġgoranza tal-voti espressi, u l-Kunsill, li jaġixxi b'maġgoranza kwalifikata, għandhom kull wieħed ikollhom perijodu ta' sitt ġimgħat minn din l-approvazzjoni biex fih jadottaw l-att in kwistjoni skond dan it-test. Jekk jonqsu li jagħmlu dan, l-att propost għandu jitqies li ma jkunx ġie adottat.

14.   Il-perijodi ta' tliet xhur u sitt gimgħat previsti f'dan l-Artikolu għandhom ikunu mtawwla b'massimu ta' xahar u ġimgħatejn rispettivament fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

15.   Meta, fil-każijiet previsti mill-Kostituzzjoni, liġi jew liġi kwadru Ewropea tkun sottomessa għall-proċedura ordinarja leġislattiva dwar l-inizjattiva ta' grupp ta' Stati Membri fuq rakkomandazzjoni mill-Bank Ċentrali Ewropew, jew fuq it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-paragrafu 2, it-tieni sentenza tal-paragrafu 6 u l-paragrafu 9 m'għandhomx japplikaw.

F'dawn il-każijiet, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jikkomunikaw l-att propost lill-Kummissjoni flimkien mal-posizzjonijiet tagħhom fl-ewwel u fit-tieni qari. Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jista' jitlob l-opinjoni tal-Kummissjoni tul il-proċedura kollha, liema opinjoni tista' tingħata wkoll mill-Kummissjoni fuq l-inizjattiva tagħha stess. Tista' wkoll, jekk tqis meħtieġ, tieħu parti fil-Kumitat ta' Konċiljazzjoni skond il-paragrafu 11.

Artikolu III-397

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jikkonsultaw lil xulxin u bi ftehim komuni jagħmlu arranġamenti għall-koperazzjoni ta' bejniethom. Għal dak l-iskop, jistgħu, bi qbil mal-Kostituzzjoni, jikkonkludu ftehim interistituzzjonali li jista' jkun ta' natura li jorbot.

Artikolu III-398

1.   Fit-twettiq tal-missjonijiet tagħhom, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji ta' l-Unjoni għandhom l-appoġġ ta' amministrazzjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u ndipendenti.

2.   Skond ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet ta' l-Impjieg adottati fuq bażi ta' l-Artikolu III-427, liġi Ewropea għandha tistabbilixxi disposizzjonijiet għal dak il-għan.

Artikolu III-399

1.   L-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji ta' l-Unjoni għandhom jassiguraw it-trasparenza fix-xogħol tagħhom u għandhom, bl-applikazzjoni ta' l-Artikolu I-50, jistabbilixxu fir-regoli ta' proċedura tagħhom id-disposizzjonijiet speċifiċi għall-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tagħhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea, l-Bank Ċentrali Ewropew u l-Bank Ewropew ta' l-Investiment għandhom ikunu soġġetti għall-Artikolu I-50(3) u għall-Artikolu preżenti meta jeżerċitaw il-kompiti amministrattivi tagħhom biss.

2.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jassiguraw il-pubblikazzjoni tad-dokumenti dwar il-proċeduri leġislattivi skond it-termini stipulati mil-liġi Ewropea prevista fl-Artikolu I-50(3).

Artikolu III-400

1.   Il-Kunsill għandu jadotta regolamenti u deċiżjonijiet Ewropej li jistabbilixxu:

a)

is-salarji, l-allowances u l-pensjonijiet tal-President tal-Kunsill Ewropew, tal-President tal-Kummissjoni, tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni, tal-membri tal-Kummissjoni Ewropea, l-Presidenti, l-membri u r-Reġistraturi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea, u s-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill;

b)

il-kondizzjonijiet ta' l-impjieg, b'mod partikolari is-salarji, l-allowances u l-pensjonijiet tal-President u tal-membri tal-Qorti ta' l-Awdituri;

ċ)

kwalunkwe ħlas li għandu jsir flok remunerazzjoni lill-persuni previsti fil-punti (a) u (b).

2.   Il-Kunsill għandu jadotta regolamenti u deċiżjonijiet Ewropej li jiddeterminaw l-allowances tal-Membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali.

Artikolu III-401

L-atti tal-Kunsill, tal-Kummissjoni jew tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponu obbligu ta' flus fuq persuni li mhumiex Stati Membri għandhom ikunu eżegwibbli.

L-eżekuzzjoni forzata hi regolata mir-regoli ta' proċedura ċivili fis-seħħ fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu titwettaq. L-ordni għall-eżekuzzjoni għandha tiġi mehmuża mad-deċiżjoni, mingħajr ebda formalità oħra għajr il-verifika ta' l-awtentiċità tad-deċiżjoni, mill-awtorità nazzjonali li l-gvern ta' kull Stat Membru għandu jaħtar għal dan l-iskop u li għandu jgħarraf lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea.

Meta dawn il-formalitajiet ikunu ġew ikkompletati fuq applikazzjoni mill-parti konċernata, din ta' l-aħħar tista' tipproċedi għall-eżekuzzjoni forzata, billi ġġib il-kwistjoni direttament quddiem l-awtorità kompetenti, skond il-liġi nazzjonali.

L-eżekuzzjoni forzata tista' tiġi sospiża biss b'deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea. Madanakollu, l-qrati tal-pajjiż konċernat għandhom ġurisidizzjoni fuq ilmenti li l-eżekuzzjoni tkun qed titwettaq b'mod irregolari.

KAPITOLU II

DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI

SEZZJONI 1

IL-QAFAS FINANZJARJU PLURIENNALI

Artikolu III-402

1.   Il-qafas finanzjarju pluriennali għandu jiġi stabbilit għal perijodu ta' mill-inqas ħames snin skond l-Artikolu I-55.

2.   Il-qafas finanzjarju għandu jistabbilixxi l-ammonti tal-limiti massimi annwali fuq approprjazzjonijiet ta' impenn skond il-kategorija tal-ħruġ u tal-limitu massimu annwali fuq approprjazzjonijiet ta' pagament. Il-kategoriji tal-ħruġ, li huma limitati, għandhom jikkorrispondu għas-setturi maġġuri ta' attività ta' l-Unjoni.

3.   Il-qafas finanzjarju għandu jistabbilixxi kull disposizzjoni oħra meħtieġa biex il-proċedura annwali tal-budget topera mingħajr xkiel.

4.   Meta ebda liġi Ewropea tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas finanzjarju ġdid ma tkun ġiet adottata sa l-aħħar tal-qafas finanzjarju preċedenti, l-limiti massimi u disposizzjonijiet oħrajn li jikkorrispondu għall-aħhar sena ta' dak il-qafas għandhom jiġu estiżi sa dak iż-żmien meta dik il-liġi tiġi adottata.

5.   Tul il-proċedura li twassal għall-adozzjoni tal-qafas finanzjarju, l-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jieħdu kull miżura neċessarja sabiex tiffaċilita t-tmiem b'suċċess tal-proċedura.

SEZZJONI 2

IL-BUDGET ANNWALI TA' L-UNJONI

Artikolu III-403

Is-sena finanzjarja għandha tibda fl-1 ta' Jannar u tispiċċa fil-31 ta' Diċembru.

Artikolu III-404

Il-liġi Ewropea għandha tistabbilixxi l-budget annwali ta' l-Unjoni skond id-disposizzjonijiet li ġejjin:

1.

Kull Istituzzjoni għandha, qabel l-1 ta' Lulju, tfassal estimi tal-ħruġ tagħha għas-sena ta' wara. Il-Kummissjoni għandha tikkonsolida dawn l-estimi f'abbozz tal-budget li jista' jkun fih stimi differenti.

L-abbozz tal-budget għandu jkun fih stima tad-dħul u stima tal-ħruġ.

2.

Il-Kummissjoni għandha tissottometti proposta li tinkludi l-abbozz tal-budget lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa mhux iktar tard mill-1 ta' Settembru tas-sena ta' qabel dik li fiha l-budget għandu jiġi implimentat.

Il-Kummissjoni tista' temenda l-abbozz ta' l-budget tul il-proċedura sa meta l-Kumitat ta' Konċiljazzjoni, previst fil-paragrafu 5 hawn taħt, jiġi mlaqqa'.

3.

Il-Kunsill għandu jadotta l-posizzjoni tiegħu dwar l-abbozz tal-budget u jgħaddih lill-Parlament Ewropew sa mhux iktar tard mill-1 ta' Ottubru tas-sena qabel dik li fiha l-budget għandu jiġi implimentat. Il-Kunsill tal-Ministri għandu jinforma lill-Parlament Ewropew b'mod sħiħ bir-raġunijiet li wassluh biex jadotta l-posizzjoni tiegħu.

4.

Jekk, fi żmien tnejn u erbgħin jum minn din il-komunikazzjoni, l-Parlament Ewropew:

a)

japprova l-posizzjoni tal-Kunsill, il-liġi Ewropea li tistabbilixxi l-budget tkun adottata;

b)

ma jkunx għadu ħa deċiżjoni, l-liġi Ewropea li tistabbilixxi l-budget tkun titqies li ġiet adottata;

ċ)

jadotta emendi b'maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu, l-abbozz emendat għandu jintbagħat lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Il-President tal-Parlament Ewropew, bi ftehim mal-President tal-Kunsill, għandu immedjatament isejjaħ laqgħa tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni. Madanakollu, jekk fi żmien għaxart ijiem minn meta jintbagħat l-abbozz, il-Kunsill tal-Ministri jinforma lill-Parlament Ewropew li jkun approva l-emendi kollha tiegħu, l-Kumitat ta' Konċiljazzjoni m'għandux jiltaqa'.

5.

Il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni, li għandu jkun kompost mill-membri tal-Kunsill jew mir-rappreżentanti tagħhom u numru ugwali ta' membri li jirrappreżentaw il-Parlament Ewropew, għandu l-kompitu li jilħaq qbil fuq test konġunt, b'maġġoranza kwalifikata tal-membri tal-Kunsill jew tar-rappreżentanti tagħhom u b'maġġoranza tar-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew fi żmien wieħed u għoxrin jum minn meta jissejjaħ, fuq bażi tal-posizzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Il-Kummissjoni għandha tieħu parti fil-proċeduri tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni u għandha tieħu l-inizjattivi kollha meħtieġa bl-iskop li tirrikonċilja l-posizzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

6.

Jekk, fi żmien il-wieħed u għoxrin jum previsti fil-paragrafu 5, il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni jilħaq qbil fuq test konġunt, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom kull wieħed ikollhom perijodu ta' erbatax-il jum mid-data ta' dak il-ftehim biex jadottaw it-test konġunt.

7.

Jekk fil-perijodu ta' erbatax-il jum previst fil-paragrafu 6:

a)

il-Parlament Ewropew u l-kunsill it-tnejn japprovaw it-test konġunt jew jonqsu milli jieħdu deċiżjoni, jew jekk waħda minn dawn l-istituzzjonijiet tapprova it-test konġunt filwaqt li l-oħra tonqos milli tieħu deċiżjoni, l-liġi ewropea li tistabbilixxi l-budget għandha tiġi meqjusa li hi adottata b'mod definittiv skond it-test konġunt, jew

b)

kemm il-Parlament Ewropew, li jaġixxi b'maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu, kif ukoll il-Kunsill jirrifjutaw it-test konġunt, jew jekk waħda minn dawn l-istituzzjonijiet tirrifjuta t-test konġunt filwaqt li l-oħra tonqos milli tieħu deċiżjoni, t-tnejn jistgħu jitolbu li jiġi sottomess abozz ta' budget ġdid mill-Kummissjoni, jew

ċ)

il-Parlament Ewropew, li jaġixxi b'maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu, jirrifjuta t-test konġunt filwaqt li l-Kunsill japprovah, abbozz ġdid tal-budget għandu jiġi sottomess mill-Kummissjoni, jew

d)

il-Parlament Ewropew japprova t-test konġunt, filwaqt li l-Kunsill jirrifjutah, il-Parlament Ewropew jista', fi żmien erbatax-il jum mid-data tar-rifjut tal-Kunsill u billi jaġixxi b'maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu u tlieta minn kull ħamsa tal-voti espressi, jiddeċiedi li jikkonferma l-emendi kollha li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 4(ċ) jew parti minnhom. Jekk emenda tal-Parlament Ewropew ma tiġix konfermata, l-posizzjoni miftehma fil-Kumitat ta' Konċiljazzjoni dwar l-intestatura tal-budget li hi suġġetta għall-emenda għandha tkun approvata. Il-liġi Ewropea li tistabbilixxi l-budget għandha tkun meqjusa bħala adottata b'mod definittiv fuq din il-bażi.

8.

Jekk, fi żmien il-wieħed u għoxrin jum li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 5, il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni ma jaqbilx fuq test konġunt, abbozz ġdid ta' budget għandu jiġi sottomess mill-Kummissjoni.

9.

Meta l-proċedura prevista f'dan l-Artikolu tkun tlestiet, il-President tal-Parlament Ewropew għandu jiddikjara li l-liġi Ewropea li tistabbilixxi l-budget tkun ġiet adottata b'mod definittiv.

10.

Kull istituzzjoni għandha teżerċita l-poteri konferiti lilha bis-saħħa ta' dan l-Artikolu skond il-Kostituzzjoni u l-atti adottati taħtha, b'rigward partikolari għar-riżorsi proprji ta' l-Unjoni u l-bilanċ bejn id-dħul u l-ħruġ.

Artikolu III-405

1.   Jekk fil-bidu tas-sena finanzjarja l-ebda liġi Ewropea li tistabbilixxi l-budget ma tkun ġiet adottata b'mod definittiv, somma ekwivalenti għal mhux iktar minn wieħed minn kull tnax ta' l-approprjazzjonijiet tal-budget iskritti fil-kapitolu in kwistjoni tal-budget għas-sena finanzjarja preċedenti tista' tintnefaq kull xahar fir-rigward ta' kull kapitolu tal-budget skond il-liġi Ewropea msemmija fl-Artikolu III-412; dik is-somma ma tistax, madankollu, tkun iktar minn wieħed minn kull tnax ta' l-approprjazzjonijiet stabbiliti fl-istess kapitolu ta' l-abbozz tal-budget.

2.   Il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, u bi qbil mal-kondizzjonijiet l-oħra previsti fil-paragrafu 1, jista' jadotta deċiżjoni Ewropea li tawtorizza ħruġ li jkun akbar minn wieħed minn kull tnax, skond il-liġi Ewropea msemmija fl-Artikolu III-412. Il-Kunsill għandu jgħaddi d-deċiżjoni immedjatament lill-Parlament Ewropew.

Id-deċiżjoni Ewropea għandha tistipula l-miżuri meħtieġa fir-rigward tar-riżorsi sabiex tiżgura l-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, skond il-liġijiet Ewropej previsti fl-Artikolu I-54(3) u (4).

Għandha tibda sseħħ tletin jum wara l-adozzjoni tagħha jekk il-Parlament Ewropew, li jaġixxi b'maġgoranza tal-membri komponenti tiegħu, ma jkunx iddeċieda li jnaqqas dan il-ħruġ f'dak it-terminu ta' żmien.

Artikolu III-406

Skond il-kondizzjonijiet previsti fil-liġi Ewropea msemmija fl-Artikolu III-412, kwalunkwe approprjazzjoni, barra minn dawk assenjati għall-ispejjeż tal-persunal, li ma tkunx ġiet użata fl-aħħar tas-sena finanzjarja tista' tiġi mgħoddija għas-sena finanzjarja li jmiss biss.

L-approprjazzjonijiet għandhom jiġu kklassifikati taħt kapitoli differenti li jiġbru partiti ta' ħruġ skond in-natura jew l-iskop tagħhom u jiġu suddiviżi skond il-liġi Ewropea prevista fl-Artikolu III-412.

L-infiq:

tal-Parlament Ewropew,

tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill,

tal-Kummissjoni, kif ukoll

tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea

għandu jitniżżel f'sezzjonijiet separati tal-budget, mingħajr preġudizzju għal xi arranġamenti speċjali għal ċerti partiti ta' nfiq li huma komuni.

SEZZJONI 3

IMPLIMENTAZZJONI TAL-BUDGET U KWITTANZA

Artikolu III-407

Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-budget f'koperazzjoni ma' l-Istati Membri, skond il-liġi Ewropea prevista fl-Artikolu III-412, fuq ir-responsabbiltà tagħha stess u fil-limiti ta' l-approprjazzjonijiet allokati, filwaqt li tqis il-prinċipji ta' amministrazzjoni finanzjarja soda. L-Istati Membri għandhom jikkoperaw mal-Kummissjoni sabiex jassiguraw li l-approprjazzjonijiet jintużaw skond dawk il-prinċipji.

Il-liġi Ewropea prevista fl-Artikolu III-318 għandha tistabbilixxi l-obbligi ta' kontroll u ta' verifika ta' l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-budget u r-responsabbiltajiet li jirriżultaw minnhom. Hi għandha tistabbilixxi r-responsabbilitajiet u r-regoli dettaljati għal kull istituzzjoni dwar il-parti li tolqot il-ħruġ tagħha.

Fi ħdan il-budget, il-kummissjoni tista', bla ħsara għal-limiti u l-kondizzjonijiet previsti fil-liġjiet ewropej imsemmija fl-artikolu III-412, tagħmel trasferimenti ta' approprjazzjonijiet minn kapitolu għal ieħor jew minn suddiviżjoni għal oħra.

Artikolu III-408

Il-Kummissjoni għandha tissottometti annwalment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill il-kontijiet tas-sena finanzjarja preċedenti li għandhom x'jaqsmu mat-tħaddim tal-budget. Il-Kummissjoni għandha wkoll tgħaddilhom dikjarazzjoni finanzjarja ta' l-assi u r-responsabbiltajiet ta' l-Unjoni.

Il-Kummissjoni għandha wkoll tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta' valutazzjoni dwar il-finanzi ta' l-Unjoni bbażati fuq ir-riżultati miksuba, b'mod partikolari fir-rigward ta' l-indikazzjonijiet mogħtija mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill skond l-Artikolu III-409.

Artikolu III-409

1.   Il-Parlament Ewropew, fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill, għandu jagħti kwittanza lill-Kummissjoni fir-rigward ta' l-implimentazzjoni tal-budget. Għal dan l-iskop, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew warajh għandhom jeżaminaw il-kontijiet, id-dikjarazzjoni finazjarja u r-rapport ta' valutazzjoni previsti fl-Artikolu III-408, kif ukoll ir-rapport annwali mill-Qorti ta' l-Awdituri flimkien mat-tweġibiet ta' l-istituzzjonijiet taħt verifika għall-osservazzjonijiet tal-Qorti ta' l-Awdituri, d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni prevista fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu III-384(1) u kull rapport speċjali rilevanti mill-Qorti ta' l-Awdituri.

2.   Qabel ma jagħti kwittanza lill-Kummissjoni, jew għal kull skop ieħor in konnessjoni ma' l-eżerċizzju tal-poteri tiegħu fuq l-implimentazzjoni tal-budget, il-Parlament Ewropew jista' jitlob biex jisma' lill-Kummissjoni tagħti prova fir-rigward ta' l-eżekuzzjoni tal-ħruġ jew ta' l-operazzjoni tas-sistemi ta' kontroll finanzjarju. Il-Kummissjoni għandha tissottometti kull informazzjoni meħtieġa lill-Parlament Ewropew fuq talba ta' dan ta' l-aħħar.

3.   Il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi kollha xierqa sabiex taġixxi fuq l-osservazzjonijiet fid-deċiżjonijiet li jagħtu kwittanza u fuq kwalunkwe osservazzjoni oħra mill-Parlament Ewropew rigward l-eżekuzzjoni tal-ħruġ, kif ukoll fuq kummenti li jakkumpanjaw ir-rakkomandazzjonijiet dwar il-kwittanza adottati mill-Kunsill.

4.   Fuq it-talba tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill, il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar il-miżuri meħuda fid-dawl ta' dawn l-osservazzjonijiet u l-kummenti u b'mod partikolari dwar l-istruzzjonijiet mogħtija lid-dipartimenti li huma responsabbli għall-implimentazzjoni tal-budget. Dawn ir-rapporti għandhom ukoll jintbagħtu lill-Qorti ta' l-Awdituri.

SEZZJONI 4

DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI

Artikolu III-410

Il-qafas finanzjarju pluriennali u l-budget annwali għandhom jitfasslu f'euro.

Artikolu III-411

Il-Kummissjoni tista', bil-kondizzjoni li tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri konċernati, tittrasferixxi fil-munita ta' wieħed mill-Istati Membri l-assi monetarji tagħha fil-munita ta' Stati Membru ieħor, sal-limitu neċessarju għall-użu ta' dawn l-assi monetarji għall-għanijietprevisti mill-Kostituzzjoni. Il-Kummissjoni għandha sa fejn possibbli tevita li tagħmel dawn it-trasferimenti jekk tippossjedi flus jew assi likwidi fil-muniti li għandha bżonn.

Il-Kummissjoni għandha tittratta ma' kull Stat Membru konċernat permezz ta' l-awtorità maħtura mill-Istat. Fit-twettiq ta' l-operazzjonijiet finanzjarji l-Kummissjoni għandha timpjega s-servizzi tal-bank tal-ħruġ ta' l-Istat Membru konċernat jew ta' kull istituzzjoni finanzjarja oħra approvata minn dak l-Istat.

Artikolu III-412

1.   Il-liġi Ewropea għandha tistabbilixxi:

a)

r-regoli finanzjarji li jiddeterminaw b'mod partikolari l-proċedura li għandha tiġi adottata għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-budget u għall-preżentazzjoni u l-verifika tal-kontijiet;

b)

regoli li jorganizzaw il-kontroll tar-responsabbiltà ta' persuni involuti fil-finanzi, b'mod partikolari uffiċjali li jawtorizzaw u uffiċjali tal-kontijiet.

Il-liġi Ewropea għandha tiġi adottata wara konsultazzjoni mal-Qorti ta' l-Awdituri.

2.   Il-Kunsill għandu fuq proposta mill-Kummissjoni jadotta regolament Ewropew li jistabbilixxi l-metodi u l-proċeduri li permezz tagħhom id-dħul tal-budget previst taħt l-arranġamenti li għandhom x'jaqsmu mar-riżorsi proprji ta' l-Unjoni għandhom isiru disponibbli għall-Kummissjoni, u l-miżuri li għandhom jiġu applikati, jekk ikun meħtieġ, biex jilħqu l-ħtiġiet ta' flus kontanti. Il-Kunsill għandu jaġixxi wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u mal-Qorti ta' l-Awdituri.

3.   Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu sal-31 ta' Diċembru 2006 fil-każijiet kollha previsti f'dan l-Artikolu.

Artikolu III-413

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jassiguraw li l-mezzi finanzjarji jkunu disponibbli biex jippermettu li l-Unjoni tissodisfa l-obbligi legali tagħha fir-rigward ta' partijiet terzi.

Artikolu III-414

Laqgħat regolari bejn il-Presidenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jissejjħu fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni taħt il-proċeduri tal-budget previsti f'dan il-Kapitolu. Il-Presidenti għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jippromwovu konsultazzjoni kif ukoll ir-rikonċiljazzjoni tal-posizzjonijiet ta' l-istituzzjonijiet li jippresjedu fuqhom sabiex l-implimentazzjoni ta' dan il-Kapitolu tiġi ffaċilitata.

SEZZJONI 5

ĠLIEDA KONTRA L-FRODI

Artikolu III-415

1.   L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jiġġieldu kontra l-frodi u kull attività oħra illegali li tolqot l-interessi finanzjarji ta' l-Unjoni permezz ta' miżuri meħuda skond dan l-Artikolu. Dawn il-miżuri għandhom iservu bħala deterrent u jkunu tali li joffru protezzjoni effettiva fl-Istati Membri kif ukoll fl-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji kollha ta' l-Unjoni.

2.   Biex jiġġieldu kontra frodi li tolqot l-interessi finanzjarji ta' l-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-istess miżuri li jieħdu biex jiġgieldu kontra frodi li tolqot l-interessi finanzjarji tagħhom stess.

3.   Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijiet oħra tal-Kostituzzjoni, l-Istati Membri għandhom jikkordinaw l-azzjoni tagħhom immirata lejn il-protezzjoni ta' l-interessi finazjarji ta' l-Unjoni kontra l-frodi. Għal dan l-iskop għandhom jorganizzaw, flimkien mal-Kummissjoni, koperazzjoni mill-qrib u regolari bejn l-awtoritajiet kompetenti.

4.   Liġi jew liġi kwadru Ewropea għandha tistabbilixxi l-miżuri meħtieġa fl-oqsma tal-prevenzjoni ta' u l-ġlieda kontra l-frodi li tolqot l-interessi finanzjarji ta' l-Unjoni bl-iskop li tingħata protezzjoni effettiva u ekwivalenti fl-Istati Membri kif ukoll fl-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji kollha ta' l-Unjoni. Għandha tiġi adottata wara konsultazzjoni mal-Qorti ta' l-Awdituri.

5.   Il-Kummissjoni, f'koperazzjoni ma' l-Istati Membri, għandha kull sena tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar il-miżuri meħuda għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu.

KAPITOLU III

KOPERAZZJONI MSAĦĦA

Artikolu III-416

Kull koperazzjoni msaħħa għandha tħares il-Kostituzzjoni u d-dritt ta' l-Unjoni.

Din il-koperazzjoni m'għandha tikkomprometti la s-suq intern u lanqas il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. M'għandha tikkostitwixxi la ostakolu għal u lanqas diskriminazzjoni fil-kummerċ bejn l-Istati Membri, u lanqas m'għandha tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni bejniethom.

Artikolu III-417

Kull koperazzjoni msaħħa għandha tirrispetta l-kompetenzi, d-drittijiet u l-obbligi ta' dawk l-Istati Membri li ma jipparteċipawx fiha. Dawk l-Istati Membri m'għandhomx jimpedixxu l-implimentazzjoni tagħha mill-Istati Membri parteċipanti.

Artikolu III-418

1.   Meta koperazzjoni msaħħa tkun qed tiġi stabbilita, għandha tkun miftuħa għall-Istati Membri kollha basta li kwalunkwe kondizzjoni ta' parteċipazzjoni stabbilita mid-deċiżjoni Ewropea ta' awtorizzazzjoni tkun imħarsa. Għandha tkun ukoll miftuħa għalihom fi kwalunkwe ħin ieħor, sakemm kull kondizzjoni ta' dan it-tip u l-atti diġà adottati fi ħdan dak il-qafas, ikunu mħarsa.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri parteċipanti f'koperazzjoni msaħħa għandhom jassiguraw li jippromwovu l-parteċipazzjoni mill-ikbar għadd possibbli ta' Stati Membri.

2.   Il-Kummissjoni u, meta xieraq, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni għandhom iżommu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill regolarment infurmati bl-iżviluppi li jirrigwardaw il-koperazzjoni msaħħa.

Artikolu III-419

1.   L-Istati Membri li jixtiequ jistabbilixxu koperazzjoni msaħħa bejniethom f'wieħed mill-oqsma koperti mill-Kostituzzjoni, bl-eċċezzjoni ta' l-oqsma ta' kompetenza esklużiva u tal-politika estera u ta' sigurtà komuni, għandhom jindirizzaw talba lill-Kummissjoni, li fiha jispeċifikaw il-kamp ta' l-applikazzjoni u l-miri tal-koperazzjoni msaħħa proposti. Il-Kummissjoni tista' tissottometti proposta lill-Kunsill għal dak il-għan. Jekk ma tagħmilx proposta, l-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri konċernati dwar ir-raġunijiet għala ma tkunx għamlet hekk.

Awtorizzazzjoni għal koperazzjoni msaħħa għandha tingħata b'deċiżjoni Ewropea tal-Kunsill, li għandu jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jiskeb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.

2.   It-talba ta' l-Istati Membri li jixtiequ jistabbilixxu koperazzjoni msaħħa bejniethom fil-qafas tal-politika estera u tas-sigurtà komuni, għandha tkun indirizzata lill-Kunsill. Għandha tintbagħat lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni, li għandu jagħti opinjoni dwar jekk il-koperazzjoni msaħħa kontemplata hijiex konsistenti mal-politika estera u ta' sigurtà komuni ta' l-Unjoni, u lill-Kummissjoni, li għandha tagħti l-opinjoni tagħha b'mod partikolari dwar jekk il-koperazzjoni msaħħa proposta hijiex konsistenti mal-politika l-oħra ta' l-Unjoni. Għandha wkoll tintbagħat lill-Parlament Ewropew għal tagħrif.

L-awtorizzazzjoni għal koperazzjoni msaħħa għandha tingħata b'deċiżjoni Ewropea tal-Kunsill li jaġixxi b'mod unanimu.

Artikolu III-420

1.   Kull Stat Membru li jixtieq jipparteċipa f'koperazzjoni msaħħa li tkun għaddejja f'waħda mill-oqsma previsti fl-Artikolu III-419(1) għandu jinnotifika l-intenzjoni tiegħu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni għandha, fi żmien erba' xhur mid-data li tirċievi n-notifika, tikkonferma l-parteċipazzjoni ta' l-Istat Membru konċernat. Għandha tieħu nota meta neċessarju li l-kondizzjonijiet kollha ta' parteċipazzjoni ġew sodisfatti u għandha tadotta kull miżura transitorja meqjusa neċessarja rigward l-applikazzjoni ta' l-atti diġà adottati fil-qafas ta' koperazzjoni msaħħa.

Madanakollu, jekk il-Kummissjoni tqis li l-kondizzjonijiet ta' parteċipazzjoni ma ġewx sodisfatti, għandha tindika l-arranġamenti li għandhom jiġu adottati biex jiġu sodisfatti dawk il-kondizzjonijiet u għandha tistabbilixxi żmien perentorju biex terġa' tiġi eżaminata mill-ġdid it-talba. Meta jiskadi dak iż-żmien perentorju, għandha terġa' teżamina t-talba skond il-proċedura stipulata fit-tieni subparagrafu. Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li xi kondizzjonijiet ta' parteċipazzjoni jkunu għadhom ma ġewx sodisfatti, l-Istat Membru konċernat jista' jirreferi l-kwistjoni lill-Kunsill, li għandu jiddeċiedi fuq dik it-talba. Il-Kunsill għandu jaġixxi skond l-Artikolu I-44(3). Jista' wkoll jadotta l-miżuri transitorji previsti fit-tieni subparagrafu fuq proposta mill-Kummissjoni.

2.   Kull Stat Membru li jixtieq jipparteċipa f'koperazzjoni msaħħa li tkun għaddejja fil-qafas tal-politika estera u ta' sigurtà komuni, għandu jinnotifika l-intenzjoni tiegħu lill-Kunsill, lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni u lill-Kummissjoni.

Il-Kunsill għandu jikkonferma l-parteċipazzjoni ta' l-Istat Membru konċernat, wara li jikkonsulta l-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni u wara li jinnota fejn meħtieġ li l-kondizzjonijiet ta' parteċipazzjoni jkunu ġew sodisfatti. Il-Kunsill fuq proposta mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni jista' wkoll jadotta kwalunkwe miżura transitorja li tkun meħtieġa fir-rigward ta' l-applikazzjoni ta' l-atti diġà adottati fil-qafas ta' koperazzjoni msaħħa. Madanakollu, jekk il-Kunsill jikkunsidra li l-kondizzjonijiet ta' parteċipazzjoni ma jkunux ġew sodisfatti, hu għandu jindika l-arranġamenti li għandhom jiġu adottati biex jiġu sodisfatti dawk il-kondizzjonijiet u għandu jistabbilixxi terminu perentorju biex terġa' tiġi eżaminata t-talba għal parteċipazzjoni.

Għall-finijiet ta' dan il-paragrafu, l-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu u skond l-Artikolu I-43(3).

Artikolu III-421

Il-ħruġ li jirriżulta mill-implimentazzjoni ta' koperazzjoni msaħħa, minbarra l-ispejjeż amministrattivi miagħmula mill-istituzzjonijiet, għandu jkun addebitat lill-Istati Membri parteċipanti, sakemm il-membri kollha tal-Kunsill, li jaġixxi b'mod unanimu wara li jkunu kkonsulta lill-Parlament Ewropew, ma jiddeċiedux mod ieħor.

Artikolu III-422

1.   Fejn disposizzjoni tal-Kostituzzjoni li tista' tiġi applikata fil-kuntest ta' koperazzjoni msaħħa tistipula li l-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu, l-Kunsill, li jaġixxi b'mod unanimu skond l-arranġamenti stabbiliti fl-Artikolu I-44(3), jista' jadotta deċiżjoni Ewropea li tistipula li se jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata.

2.   Fejn disposizzjoni tal-Kostituzzjoni li tista' tiġi applikata fil-kuntest ta' koperazzjoni msaħħa tistipula li l-Kunsill għandu jadotta liġijiet jew liġijiet kwadru Ewropej skond proċedura leġislattiva speċjali, l-Kunsill, li jaġixxi b'mod unanimu skond l-arranġamenti stabbiliti fl-Artikolu I-44(3), jista' jadotta deċiżjoni Ewropea li tistipula li se jaġixxi skond il-proċedura leġislattiva ordinarja. Il-Kunsill għandu jaġixxi wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew.

3.   Il-Paragrafi 1 u 2 m'għandhomx japplikaw għal deċiżjonijiet li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża.

Artikolu III-423

Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jassiguraw il-koerenza ta' attivitajiet meħuda fil-kuntest ta' koperazzjoni msaħħa u l-koerenza ta' dawn l-attivitajiet mal-politika ta' l-Unjoni, u għandhom jikkoperaw għal dak il-għan.

TITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI

Artikolu III-424

Kont meħud tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali strutturali tal-Gwadalupa, l-Gujana Franċiża, Martinique, Réunion, l-Azores, Madeira u l-Gżejjer Kanarji, li hija ggravata minħabba li huma remoti, insulari, żgħar, b'topografija u klima diffiċli, ekonomikament dipendenti fuq numru żgħir ta' prodotti, u li l-permanenza u l-kombinazzjoni ta' dawn il-fatturi tolqot ħażin ħafna l-iżvilupp tagħhom, il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta liġijiet, liġijiet kwadru, regolamenti u deċiżjonijiet Ewropej immirati, b'mod partikolari, sabiex jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet ta' applikazzjoni tal-Kostituzzjoni għal dawk ir-reġjuni, inkluża l-politika komuni. Għandu jaġixxi wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew.

L-atti previsti fl-ewwel paragrafu jikkonċernaw b'mod partikolari oqsma bħall-politika doganali u kummerċjali, l-politika fiskali, iż-żoni liberi, l-politika ta' l-agrikoltura u tas-sajd, il-kondizzjonijiet għall-provvista ta' materja prima u ta' prodotti essenzjali għall-konsumaturi, l-għajnuna mill-Istat u l-kondizzjonijiet ta' aċċess għal fondi strutturali u programmi orizzontali ta' l-Unjoni.

Il-Kunsill għandu jadotta l-atti previsti fl-ewwel paragrafu waqt li jqis l-karatteristiċi speċjali u r-restrizzjonijiet tar-reġjuni l-iktar 'il barra mingħajr ma jikkomprometti l-integrità u l-koerenza ta' l-ordinament ġuridiku ta' l-Unjoni, inkluż is-suq intern u l-politika komuni.

Artikolu III-425

Il-Kostituzzjoni m'għandha bl-ebda mod tippreġudika r-regoli fl-Istati Membri li jirregolaw is-sistema tas-sidien ta' proprjetà.

Artikolu III-426

F'kull wieħed mill-Istati Membri, l-Unjoni għandha tgawdi mill-kapaċità ġuridika l-iktar wiesgħa mogħtija lil persuni ġuridiċi bil-liġijiet nazzjonali. B'mod partikolari, hija tista' takkwista jew tiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u tkun parti fi proċedimenti legali. Għal dan l-iskop, l-Unjoni għandha tkun rappreżentata mill-Kummissjoni. Madanakollu, għandha tkun rappreżentata minn kull waħda mill-istituzzjonijiet, permezz ta' l-awtonomija amministrattiva tagħhom, fi kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-operat rispettiv tagħhom.

Artikolu III-427

Ir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet ta' l-Impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra ta' l-Unjoni għandhom jiġu stabbiliti permezz ta' liġi Ewropea. Għandhom jkunu adottati wara konsultazzjoni ma' l-istituzzjonijiet konċernati.

Artikolu III-428

Il-Kummissjoni tista', fil-limiti u taħt il-kondizzjonijiet previsti b'regolament Ewropew jew b'deċiżjoni Ewropea adottati b'maġġoranza sempliċi mill-Kunsill, tiġbor kull tagħrif u twettaq kull kontroll meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti fdati lilha.

Artikolu III-429

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, miżuri għall-produzzjoni ta' statistiċi għandhom jiġu stabbiliti b'liġi jew liġi kwadru Ewropea fejn dawn huma meħtieġa għat-twettiq ta' l-attivitajiet ta' l-Unjoni.

2.   Il-produzzjoni ta' l-istatistiċi għandha tirrispetta l-imparzjalità, l-affidabilità, l-oġġettività, l-indipendenza xjentifika, l-effikaċja fl-infiq u l-kunfidenzjalità dwar l-istatistika ta' l-informazzjoni. M'għandhiex toħloq piż żejjed fuq l-operaturi ekonomiċi.

Artikolu III-430

Il-membri ta' l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni, l-membri tal-kumitati kif ukoll l-uffiċjali u aġenti oħra ta' l-Unjoni għandhom ikunu meħtieġa, ukoll wara li l-kompiti tagħhom ikunu waqqfu, li ma jiżvelawx informazzjoni tat-tip kopert bl-obbligu tas-sigriet professjonali, b'mod partikolari informazzjoni dwar impriżi, r-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom jew l-elementi ta' l-ispejjeż tagħhom.

Artikolu III-431

Ir-responsabbiltà kuntrattwali ta' l-Unjoni għandha tkun irregolata bil-liġi applikabbli għall-kuntratt in kwistjoni.

Fil-każ ta' responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-Unjoni għandha, skond il-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet ta' l-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kull ħsara kkawżata mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-aġenti tagħha fit-twettiq ta' dmirijiethom.

Minkejja d-disposizzjonijiet tat-tieni paragrafu, l-Bank Ċentrali Ewropew għandu, skond il-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet ta' l-Istati Membri, jagħmel tajjeb għal kull dannu li jikkawża jew li jiġi kkawżat mill-aġenti tiegħu fit-twettiq ta' dmirijiethom.

Ir-responsabbiltà personali ta' l-aġenti ta' l-Unjoni lejn din ta' l-aħħar għandha tkun regolata bid-disposizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal jew fil-Kondizzjonijiet ta' l-Impjieg li japplikaw għalihom.

Artikolu III-432

Is-sede ta' l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni għandha tkun determinata bi ftehim komuni tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri.

Artikolu III-433

Il-Kunsill għandu jadotta b'mod unanimu regolament Ewropew li jistabbilixxi r-regoli li jirregolaw il-lingwi ta' l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni, mingħajr preġudizzju għall-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu III-434

L-Unjoni għandha tgawdi fit-territorji ta' l-Istati Membri dawk il-privileġġi u l-immunitajiet li huma neċessarji għat-twettiq tal-kompiti tagħha, taħt il-kondizzjonijiet previsti fil-Protokoll dwar il-privileġgi u l-immunitajiet ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu III-435

Id-drittijiet u l-obbligi li joriġinaw minn xi ftehim konkluż qabel l-1 ta' Jannar 1958 jew, għall-Istati aderenti, qabel id-data ta' l-adeżjoni tagħhom, bejn Stat Membru wieħed jew iktar min-naħa l-waħda, u pajjiż terz wieħed jew iktar min-naħa l-oħra, m'għandhomx ikunu milquta mill-Kostituzzjoni.

Sakemm ftehim bħal dan ma jkunx inkompatibbli mal-Kostituzzjoni, l-Istat Membru jew l-Istati Membri konċernati għandhom jieħdu l-passi kollha xierqa sabiex jiġu eliminati l-inkompatibilitajiet stabbiliti. L-Istati Membri għandhom, fejn meħtieġ, jassistu lil xulxin għal dan l-iskop u għandhom, fejn ikun xieraq, jadottaw attitudni komuni.

Fl-applikazzjoni tal-ftehim previst fl-ewwel paragrafu, l-Istati Membri għandhom jqisu l-fatt li l-vantaġġi mogħtija skond il-Kostituzzjoni minn kull Stat Membru jiffurmaw parti integrali ta' l-Unjoni u huma b'hekk marbuta inseparabbilment mal-ħolqien ta' istituzzjonijiet li fuqhom ġew konferiti setgħat permezz tal-Kostituzzjoni u ma' l-għoti ta' vantaġġi identiċi mill-Istati Membri l-oħra kollha.

Artikolu III-436

1.   Il-Kostituzzjoni m'għandhiex tipprekludi l-applikazzjoni tar-regoli li ġejjin:

a)

ebda Stat Membru m'għandu jkun obbligat jagħtu informazzjoni li jikkunsidra li l-iżvelar tagħha tmur kontra l-interessi essenzjali tas-sigurtà tiegħu;

b)

kull Stat Membru jista' jieħu l-miżuri li jikkunsidra meħtieġa biex jipproteġi l-interessi essenzjali tas-sigurtà tiegħu, u li jkollhom x'jaqsmu mal-manifattura jew il-kummerċ ta' armi, munizzjon u materjal tal-gwerra; dawn il-miżuri m'għandhomx jolqtu l-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern dwar prodotti li ma jkunux intiżi għall-skopijiet speċifikament militari.

2.   Il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, jista', b'mod unanimu jadotta deċiżjoni Ewropea li tagħmel bidliet għal-lista tal-15 ta' April 1958, tal-prodotti li għalihom japplikaw id-disposizzjonijiet tal-paragrafu 1(b).

PARTI IV

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

Artikolu IV-437

Tħassir ta' Trattati preċedenti

1.   Dan it-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa għandu jħassar it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea kif ukoll, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Protokoll dwar l-atti u t-trattati li ssupplimentaw jew emendaw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-atti u t-trattati li ssupplimentawhom u emendawhom, bla ħsara għall-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

2.   It-Trattati ta' l-Adeżjoni:

a)

tar-Renju tad-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq,

b)

tar-Repubblika Ellenika,

ċ)

tar-Renju ta' Spanja u r-Repubblika Portugiża,

d)

tar-Repubblika ta' l-Awstrija, r-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju ta' l-Isvezja,

e)

tar-Repubblika Ċeka, r-Repubblika ta' l-Estonja, r-Repubblika ta' Ċipru, r-Repubblika tal-Latvja, r-Repubblika tal-Litwanja, r-Repubblika tal-Ungerija, r-Repubblika ta' Malta, r-Repubblika tal-Polonja, r-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka,

għandhom jiġu mħassra.

Madanakollu:

id-dispożizzjonijiet tat-Trattati li hemm referenza għalihom fil-punti (a) sa (d) u li huma stabbiliti jew previsti fil-Protokoll dwar it-Trattati u l-Atti ta' l-Adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, tar-Repubblika Ellenika, tar-Renju ta' Spanja u r-Repubblika Portugiża, u tar-Repubblika ta' l-Awstrija, r-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju ta' l-Isvezja għandhom jibqgħu fis-seħħ u l-effetti legali tagħhom għandhom ikunu preservati skond dak il-Protokoll;

id-dispożizzjonijiet tat-Trattati li hemm referenza għalihom fil-punt (e) u li huma stabbiliti jew previsti fil-Protokoll dwar it-Trattat u l-Att ta' l-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, r-Repubblika ta' l-Estonja, r-Repubblika ta' Ċipru, r-Repubblika tal-Latvja, r-Repubblika tal-Litwanja, r-Repubblika ta' l-Ungerija, r-Repubblika ta' Malta, r-Repubblika tal-Polonja, r-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka għandhom jibqgħu fis-seħħ u l-effetti legali tagħhom għandhom ikunu preservati skond dak il-Protokoll.

Artikolu IV-438

Suċċessjoni u kontinwità ġuridika

1.   L-Unjoni Ewropea stabbilita b'dan it-Trattat għandha tkun il-werrieta ta' l-Unjoni Ewropea stabbilita mit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u tal-Komunità Ewropea.

2.   Sakemm jiġu adottati disposizzjonijiet ġodda li jimplementaw dan it-trattat, jew sa tmiem il-mandat tagħhom, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji eżistenti fid-data tal-bidu fis-seħħ ta' dan it-trattat għandhom, bla ħsara għall-artikolu iv-439, jeżerċitaw il-poteri tagħhom fis-sens ta' dan it-trattat fil-komposizzjoni tagħhom f'dik id-data.

3.   L-atti ta' l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji adottati fuq bażi tat-trattati, protokolli u atti mħassra permezz ta' l-Artikolu IV-437 għandhom jibqgħu fis-seħħ. L-effetti legali tagħhom għandhom jiġu ppreservati sakemm dawk l-atti jiġu mħassra, isiru nulli jew jiġu emendati fl-implementazzjoni ta' dan it-Trattat. L-istess għandu japplika għal kull ftehim konkluż bejn l-Istati Membri fuq bażi tat-trattati u atti mħassra permezz ta' l-Artikolu IV-437.

L-elementi l-oħra ta' l-acquis tal-Komunità, u ta' l-Unjoni li jeżistu fiż-żmien tal-bidu fis-seħħ dan it-Trattat, b'mod partikolari l-ftehim interistituzzjonali, d-deċiżjonijiet u l-ftehim milħuqa mir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, mlaqqa' fi ħdan il-Kunsill, il-ftehim konklużi mill-Istati Membri dwar il-ħidma ta' l-Unjoni jew tal-Komunità jew marbut ma' azzjoni ta' l-Unjoni jew tal-Komunità, d-dikjarazzjonijiet, inklużi dawk magħmulin fil-qafas ta' konferenzi governattivi, r-risoluzzjonijiet jew il-posizzjonijiet oħra adottati mill-Kunsill Ewropew jew mill-Kunsill kif ukoll dawk dwar l-Unjoni jew il-Komunità adottati bi ftehim komuni mill-Istati Membri, għandhom ukoll jiġu ppreservati sakemm jiġu mħassra jew emendati.

4.   Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea u tal-Qorti tal-Prim' Istanza dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-trattati u l-atti mħassra permezz ta' l-Artikolu IV-437, kif ukoll ta' l-atti u l-konvenzjonijiet adottati għall-applikazzjoni tagħhom, għandhom jibqgħu, mutatis mutandis, il-fonti ta' interpretazzjoni tad-dritt ta' l-Unjoni u b'mod partikolari tad-disposizzjonijiet kumparabbli tal-Kostituzzjoni.

5.   Il-kontinwità fil-proċeduri amministrattivi u ġuridiċi mibdija qabel il-bidu fis-seħħ ta' dan it-Trattat għandha tkun assigurata skond il-Kostituzzjoni. L-istituzzjonijiet u l-korpi responsabbli minn dawk il-proċeduri għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa għal dak il-għan.

Artikolu IV-439

Dispożizzjonijiet transitorji dwar ċerti istituzzjonijiet

Id-disposizzjonijiet transitorji dwar il-komposizzjoni tal-Parlament Ewropew, dwar id-definizjoni ta' maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill Ewropew u fil-Kunsill, inkluż dawk il-każijiet fejn mhux il-membri kollha tal-Kunsill Ewropew jew tal-Kunsill jivvutaw, u dwar il-komposizzjoni tal-Kummissjoni, inkluż il-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni, jinsabu fil-Protokoll dwar id-disposizzjonijiet transitorji rigward l-istituzzjonijiet u l-korpi ta' l-Unjoni.

Artikolu IV-440

Kamp ta' l-Applikazzjoni

1.   Dan it-Trattat għandu japplika għar-Renju tal-Belġju, r-Repubblika Ċeka, r-Renju tad-Danimarka, r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, r-Repubblika ta' l-Estonja, r-Repubblika Ellenika, r-Renju ta' Spanja, r-Repubblika Franċiża, l-Irlanda, r-Repubblika Taljana, r-Repubblika ta' Ċipru, r-Repubblika tal-Latvja, r-Repubblika tal-Litwanja, l-Gran Dukat tal-Lussemburgu, r-Repubblika ta' l-Ungerija, r-Repubblika ta' Malta, r-Renju ta' l-Olanda, r-Repubblika ta' l-Awstrija, r-Repubblika tal-Polonja, r-Repubblika Portugiża, r-Repubblika tas-Slovenja, r-Repubblika Slovakka, r-Repubblika tal-Finlandja, r-Renju ta' l-Isvezja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq.

2.   Dan it-Trattat għandu japplika għall-Gwadalupa, l-Gujana Franċiża, Martinique, Réunion, l-Azores, l-Madeira u l-Gżejjer Kanarji skond l-Artikolu III-424.

3.   L-arranġamenti speċjali għall-assoċjazzjoni stabbiliti fit-Titolu IV tal-Parti III ta' dan it-Trattat għandhom japplikaw għall-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej elenkati fl-Anness II.

Dan it-Trattat m'għandux japplika għal pajjiżi u territorji extra-Ewropej li għandhom relazzjonijiet speċjali mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq li mhumiex inklużi f'dik il-lista.

4.   Dan t-Trattat għandu japplika għat-territorji Ewropej li għar-relazzjonijiet esterni tagħhom hu responsabbli xi Stat Membru.

5.   Dan it-Trattat għandu japplika għall-Gżejjer Åland bid-derogi li oriġinarjament dehru fit-Trattat previst fl-Artikolu IV-437(2)(d) tal-Kostituzzjoni u li ġew riprodotti fis-Sezzjoni V tat-Titolu V tal-Protokoll dwar it-Trattati u l-Atti ta' l-Adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, tar-Repubblika Ellenika, tar-Renju ta' Spanja u r-Repubblika Portugiża, u tar-Repubblika ta' l-Awstrija, r-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju ta' l-Isvezja.

6.   Minkejja l-paragrafi 1 sa 5 preċedenti:

a)

dan it-Trattat m'għandux japplika għall-Gżejjer Faeroe;

b)

dan it-Trattat għandu japplika għal Akrotiri u Dhekelia, iż-Żoni ta' Bażi Sovrana tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq f'Ċipru, biss sa fejn hu meħtieġ biex jassigura l-implimentazzjoni ta' l-arranġamenti oriġinarjament previsti fil-Protokoll dwar iż-Żoni ta' Bażi Sovrana tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq f'Ċipru, anness ma' l-Att ta' l-Adeżjoni li hu parti integrali tat-Trattat previst fl-Artikolu IV-437(2)(e) tal-Kostituzzjoni, u li ġie riprodott fit-Titolu III tal-Parti II tal-Protokoll dwar it-Trattat u l-Att ta' l-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, r-Repubblika ta' l-Estonja, r-Repubblika ta' Ċipru, r-Repubblika tal-Latvja, r-Repubblika tal-Litwanja, r-Repubblika ta' l-Ungerija, r-Repubblika ta' Malta, r-Repubblika tal-Polonja, r-Repubblika tas-Slovenja, u r-Repubblika Slovakka;

ċ)

dan it-Trattat għandu japplika għaċ-Channel Islands u l-Isle of Man biss sa fejn huwa meħtieg biex tiġi aċċertata l-implimentazzjoni ta' l-arranġamenti għal dawk il-gżejjer oriġinarjament previsti fit-Trattat imsemmi fl-Artikolu IV-437(2)(a), u li ġie riprodott fis-Sezzjoni 3 tat-Titolu II tal-Protokoll dwar it-Trattati u l-Atti ta' l-Adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, tar-Repubblika Ellenika, tar-Renju ta' Spanja u r-Repubblika Portugiża, u tar-Repubblika ta' l-Awstrija, r-Repubblika tal-Finlandja, u r-Renju ta' l-Isvezja.

7.   Il-Kunsill Ewropew, fuq l-inizjattiva ta' l-Istat Membru konċernat, jista' jadotta deċiżjoni Ewropea li temenda l-istatus, fir-rigward ta' l-Unjoni, ta' pajjiż jew territorju Daniż, Franċiż jew Olandiż previst fil-paragrafi 2 u 3. Il-Kunsill Ewropew għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jikkonsulta l-Kummissjoni.

Artikolu IV-441

Unjonijiet reġjonali

Dan it-Trattat m'għandux jipprekludi l-eżistenza jew il-kisba ta' unjonijiet reġjonali bejn il-Belġju u l-Lussemburgu, jew bejn il-Belġju, l-Lussemburgu u l-Olanda, sa fejn il-miri ta' dawk l-unjonijiet reġjonali ma jintlaħqux mill-applikazzjoni tat-Trattat imsemmi.

Artikolu IV-442

Protokolli u Annessi

Il-Protokolli u l-Annessi ta' dan it-Trattat għandhom jiffurmaw parti integrali minnu.

Artikolu IV-443

Proċedura ta' reviżjoni ordinarja

1.   Il-gvern ta' kwalunkwe Stat Membru, l-Parlament Ewropew jew il-Kummissjoni jistgħu jissottomettu lill-Kunsill proposti għar-reviżjoni ta' dan it-Trattat. Dawn il-proposti għandhom jiġu sottomessi lill-Kunsill Ewropew mill-Kunsill u l-Parlamenti nazzjonali għandhom jiġu notifikati.

2.   Jekk il-Kunsill Ewropew, wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u mal-Kummissjoni, jadotta b'maġġoranza sempliċi deċiżjoni favur li jiġu eżaminati l-modifiki proposti, l-President tal-Kunsill Ewropew għandu jsejjaħ Konvenzjoni komposta minn rappreżentanti tal-Parlamenti nazzjonali, tal-Kapijiet ta' l-Istat jew tal-Gvern ta' l-Istati Membri, tal-Parlament Ewropew u tal-Kusmmissjoni. Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu wkoll jiġi kkonsultat fil-każ ta' bidliet istituzzjonali fil-qasam monetarju. Il-Konvenzjoni għandha teżamina l-proposti għar-reviżjoni u għandha tadotta bi qbil ma' kulħadd rakkomandazzjoni lil konferenza ta' rappreżentanti tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri kif stipulat fil-paragrafu 3.

Il-Kunsill Ewropew jista' jiddeċiedi b'maġġoranza sempliċi, wara li jiskeb il-kunsens tal-Parlament Ewropew, biex ma jsejjaħx Konvenzjoni jekk dan ma jkunx ġustifikat mill-vastità tal-modifiki proposti. Fil-każ ta' l-aħħar, il-Kunsill Ewropew għandu jiddefinixxi l-mandat għal konferenza tar-rappreżentanti tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri.

3.   Konferenza tar-rappreżentanti tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri għandha tissejjaħ mill-President tal-Kunsill biex jiġu determinati bi ftehim komuni l-emendi li jridu jsiru lil dan it-Trattat.

Il-modifiki għandhom jibdew iseħħu wara li jiġu ratifikati mill-Istati Membri kollha skond il-ħtiġiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom.

4.   Jekk, sentejn wara l-iffirmar tat-Trattat li jemenda dan it-Trattat, erbgħa minn ħamsa ta' l-Istati Membri jkunu rratifikawh u Stat Membru wieħed jew iktar ikun iltaqa' ma' diffikultajiet fil-proċeduri tar-ratifika, l-kwistjoni għandha tiġi riferita lill-Kunsill Ewropew.

Artikolu IV-444

Proċedura ta' reviżjoni simplifikata

1.   Fejn il-Parti III tipprovdi li l-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu f'qasam jew każ partikolari, l-Kunsill Ewropew jista' jadotta deċiżjoni Ewropea li tawtorizza lill-Kunsill li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata f'dak il-qasam jew każ.

Dan il-paragrafu m'għandux japplika għal deċiżjonijiet li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża.

2.   Fejn il-Parti III tipprovdi biex liġijiet u liġijiet kwadru Ewropej jiġu adottati mill-Kunsill skond proċedura leġislattiva speċjali, l-Kunsill Ewropew jista' jadotta deciżjoni Ewropea li tippermetti biex dawk il-liġijiet jew liġijiet kwadru Ewropej jiġu adottati skond il-proċedura leġislattiva ordinarja.

3.   Kwalunkwe inizjattiva meħuda mill-Kunsill Ewropew fuq bażi tal-paragrafu 1 jew 2 għandha tkun notifikata lill-Parlamenti nazzjonali. Jekk Parlament nazzjonali juri l-opposizzjoni tiegħu fi żmien sitt xhur mid-data ta' dik in-notifika, d-deċiżjoni Ewropea prevista fil-paragrafu 1 jew 2 m'għandhiex tiġi adottata. Fejn ma ssirx opposizzjoni bħal din, l-Kunsill Ewropew jista' jadotta d-deċiżjoni.

Għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet Ewropej previsti fil-paragrafi 1 u 2, il-Kunsill Ewropew għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, li għandha tiġi mogħtija b'maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu.

Artikolu IV-445

Proċedura ta' reviżjoni simplifikata rigward il-politika interna u l-azzjonijiet interni ta' l-Unjoni

1.   Il-Gvern ta' kwalunkwe Stat Membru, l-Parlament Ewropew jew il-Kummissjoni jistgħu jissottomettu lill-Kunsill Ewropew proposti għar-reviżjoni sħiħa jew parzjali tad-disposizzjonijiet tat-Titolu III tal-Parti III dwar il-politika interna u l-azzjonijiet interni ta' l-Unjoni.

2.   Il-Kunsill Ewropew jista' jadotta deċiżjoni Ewropea li timmodifika b'mod sħiħ jew parzjalment id-disposizzjonijiet tat-Titolu III tal-Parti III. Il-Kunsill Ewropew għandu jaġixxi b'mod unanimu wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u mal-Kummissjoni, kif ukoll tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-każ ta' tibdil istituzzjonali fil-qasam monetarju.

Tali deċiżjoni Ewropea m'għandhiex tibda sseħħ sakemm ma tkunx ġiet approvata mill-Istati Membri skond il-ħtiġiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom.

3.   Id-deċiżjoni Ewropea prevista fil-paragrafu 2 m'għandhiex iżżid il-kompetenzi konferiti lill-Unjoni f'dan it-Trattat.

Artikolu IV-446

Tul ta' Żmien

Dan it-Trattat qiegħed isir għal żmien mhux limitat.

Artikolu IV-447

Ratifika u bidu fis-seħħ

1.   Dan it-Trattat jkun ratifikat mill-Partijiet Kontraenti Għolja skond ir-rekwiżiti kostituzzjonali rispettivi tagħhom. L-istrumenti ta' ratifika għandhom jiġu depożitati mal-Gvern tar-Repubblika Taljana.

2.   Dan it-Trattat jibda jseħħ fl-1 ta' Novembru 2006, sakemm l-istrumenti ta' ratifika kollha jkunu ġew depożitati, jew, fin-nuqqas ta' dan, fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-depożitu ta' l-istrument ta' ratifika mill-aħħar Stat firmatarju li jieħu dan il-pass.

Artikolu IV-448

Testi Awtentiċi u Traduzzjonijiet

1.   Dan it-Trattat, mfassal f'oriġinal wieħed bil-lingwa ċeka, Daniża, Estona, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Irlandiża, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Slovakka, Slovena, Spanjola, Svediża, Taljana u Ungeriża, li t-test ta' kull wieħed minn dawn il-lingwi jkun ugwalment awtentiku, għandu jiġi depożitat fl-arkivji tal-Gvern tar-Repubblika Taljana, li għandu jibgħat kopja ċertifikata lil kull wieħed mill-gvernijiet ta' l-Istati firmatarji l-oħra.

2.   Dan it-Trattat jista' wkoll jiġi tradott fi kwalunkwe lingwa oħra kif determinat minn Stati Membri fost dawk li, skond l-ordni kostituzzjonali tagħhom, jgawdu status uffiċjali fit-territorju kollu tagħhom jew f'parti minnu. Kopja awtentikata ta' dawn it-traduzzjonijiet għandha tiġi pprovduta mill-Istati Membri konċernati li għandha tiġi depożitata fl-arkivji tal-Kunsill.

EN FE DE LO CUAL, los plenipotenciarios infrascritos suscriben el presente Tratado

Na DŮKAZ ČEHOŽ připojili níže podepsaní zplnomocnění zástupci k této smlouvě své podpisy

TIL BEKRÆFTELSE HERAF har undertegnede befuldmægtigede underskrevet denne traktat

ZU URKUND DESSEN haben die unterzeichneten Bevollmächtigten ihre Unterschriften unter diesen Vertrag gesetzt

SELLE KINNITUSEKS on nimetatud täievolilised esindajad käesolevale lepingule alla kirjutanud

ΕΙΣ ΠΙΣΤΩΣΗ ΤΩΝ ΑΝΩΤΕΡΩ, οι υπογεγραμμένοι πληρεξούσιοι υπέγραψαν την παρούσα Συνθήκη

IN WITNESS WHEREOF, the undersigned plenipotentiaries have signed this Treaty

EN FOI DE QUOI, les plénipotentiaires soussignés ont apposé leur signature au bas du présent traité

DÁ FHIANÚ SIN, chuir na Lánchumhachtaigh thíos-sínithe a lámh leis an gConradh seo

IN FEDE DI CHE, i plenipotenziari sottoscritti hanno apposto la loro firma in calce al presente trattato

TO APLIECINOT, attiecīgi pilnvarotas personas ir parakstījušas šo Līgumu

TAI PALIUDYDAMI šią Sutartį pasirašė toliau nurodyti įgaliotieji atstovai

FENTIEK HITELÉÜL az alulírott meghatalmazottak aláírták ezt a szerződést

B'XIEHDA TA' DAN, il-plenipotenzjarji sottoskritti ffirmaw dan it-Trattat.

TEN BLIJKE WAARVAN de ondergetekende gevolmachtigden hun handtekening onder dit verdrag hebben gesteld

W DOWÓD CZEGO niżej podpisani pełnomocnicy złożyli swoje podpisy pod niniejszym Traktatem

EM FÉ DO QUE os plenipotenciários abaixo assinados apuseram as suas assinaturas no final do presente Tratado

NA DÔKAZ TOHO dolupodpísaní splnomocnení zástupcovia podpísali túto zmluvu

V POTRDITEV TEGA so spodaj podpisani pooblaščenci podpisali to pogodbo

TÄMÄN VAKUUDEKSI alla mainitut täysivaltaiset edustajat ovat allekirjoittaneet tämän sopimuksen

TILL BEVIS HÄRPÅ har undertecknade befullmäktigade undertecknat detta fördrag

Hecho en Roma, el veintinueve de octubre del dos mil cuatro.

V Římě dne dvacátého devátého října dva tisíce čtyři

Udfærdiget i Rom den niogtyvende oktober to tusind og fire.

Geschehen zu Rom am neunundzwanzigsten Oktober zweitausendundvier.

Kahe tuhande neljanda aasta oktoobrikuu kahekümne üheksandal päeval Roomas

Έγινε στις Ρώμη, στις είκοσι εννέα Οκτωβρίου δύο χιλιάδες τέσσερα.

Done at Rome on the twenty-ninth day of October in the year two thousand and four.

Fait à Rome, le vingt-neuf octobre deux mille quatre.

Arna dhéanamh sa Róimh, an naoú lá fichead de Dheireadh Fómhair sa bhliain dhá mhíle is a ceathair

Fatto a Roma, addì ventinove ottobre duemilaquattro.

Romā, divi tūkstoši ceturtā gada divdesmit devītajā oktobrī

Priimta du tūkstančiai ketvirtų metų spalio dvidešimt devintą dieną Romoje

Kelt Rómában, a kétezer-negyedik év október havának huszonkilencedik napján

Magħmul f'Ruma fid-disa' u għoxrin jum ta' Ottubru tas-sena elfejn u erbgħa.

Gedaan te Rome, de negenentwintigste oktober tweeduizendvier.

Sporządzono w Rzymie dnia dwudziestego dziewiątego października roku dwutysięcznego czwartego

Feito em Roma, em vinte e nove de Outubro de dois mil e quatro

V Ríme dvadsiatehodeviateho októbra dvetisícštyri

V Rimu, devetindvajsetega oktobra leta dva tisoč štiri

Tehty Roomassa kahdentenakymmenentenäyhdeksäntenä päivänä lokakuuta vuonna kaksituhattaneljä.

Som skedde i Rom den tjugonionde oktober tjugohundrafyra.

Pour Sa Majesté le Roi des Belges

Voor Zijne Majesteit de Koning der Belgen

Für Seine Majestät den König der Belgier

Image

Cette signature engage également la Communauté française, la Communauté flamande, la Communauté germanophone, la Région wallonne, la Région flamande et la Région de Bruxelles-Capitale.

Deze handtekening verbindt eveneens de Vlaamse Gemeenschap, de Franse Gemeenschap, de Duitstalige Gemeenschap, het Vlaamse Gewest, het Waalse Gewest en het Brussels Hoofdstedelijk Gewest.

Diese Unterschrift bindet zugleich die Deutschsprachige Gemeinschaft, die Flämische Gemeinschaft, die Französische Gemeinschaft, die Wallonische Region, die Flämische Region und die Region Brüssel-Hauptstadt.

Za prezidenta České republiky

Image

For Hendes Majestæt Danmarks Dronning

Image

Für den Präsidenten der Bundesrepublik Deutschland

Image

Eesti Vabariigi Presidendi nimel

Image

Για τον Πρόεδρο της Ελληνικής Δημοκρατίας

Image

Por Su Majestad el Rey de España

Image

Pour le Président de la République française

Image

Thar ceann Uachtarán na hÉireann

For the President of Ireland

Image

Per il Presidente della Repubblica italiana

Image

Για τον Πρόεδρο της Κυπριακής Δημοκρατίας

Image

Latvijas Republikas Valsts prezidentes vārdā

Image

Lietuvos Respublikos Prezidento vardu

Image

Pour Son Altesse Royale le Grand-Duc de Luxembourg

Image

A Magyar Köztársaság Elnöke részéről

Image

Għall-President ta' Malta

Image

Voor Hare Majesteit de Koningin der Nederlanden

Image

Für den Bundespräsidenten der Republik Österreich

Image

Za Prezydenta Rzeczypospolitej Polskiej

Image

Pelo Presidente da República Portuguesa

Image

Za predsednika Republike Slovenije

Image

Za prezidenta Slovenskej republiky

Image

Suomen Tasavallan Presidentin puolesta

För Republiken Finlands President

Image

För Konungariket Sveriges regering

Image

For Her Majesty the Queen of the United Kingdom of Great Britain and Northern Ireland

Image


PROTOKOLLI U ANNESSI

A.   PROTOKOLLI

ANNESSI MAT-TRATTAT LI JISTABBILIXXI KOSTITUZZJONI GĦALL-EWROPA

1.   

PROTOKOLL DWAR IR-RWOL TAL-PARLAMENTI NAZZJONALI TA' L-ISTATI MEMBRI FL-UNJONI EWROPEA

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

FILWAQT LI JFAKKRU li l-mod li bih il-parlamenti nazzjonali jeżerċitaw kontroll fuq il-gvernijiet f'dak li jolqot l-attivitajiet ta' l-Unjoni hija materja ta' l-organizzazzjoni u l-prattika kostituzzjonali partikolari ta' kull Stat Membru;

BIX-XEWQA li jinkoraġġixxu parteċipazzjoni akbar tal-parlamenti nazzjonali fl-attivitajiet ta' l-Unjoni Ewropea u li jkabbru l-kapaċità tagħhom biex jesprimu l-opinjonijiet proprji dwar abbozzi ta' atti leġislattivi Ewropej kif ukoll dwar materji oħra li jistgħu jkunu ta' interess partikolari għalihom,

FTEHMU DWAR id-disposizzjonijiet li ġejjin, li għandhom ikunu annessi mat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika:

TITOLU I

INFORMAZZJONI GĦALL-PARLAMENTI NAZZJONALI

Artikolu 1

Id-dokumenti ta' konsultazzjoni tal-Kummissjoni (green papers u white papers u komunikazzjonijiet) għandhom jintbagħtu direttament mill-Kummissjoni lill-parlamenti nazzjonali hekk kif jiġu pubblikati. Il-Kummissjoni għandha wkoll tibgħat lill-parlamenti nazzjonali l-programm leġislattiv annwali kif ukoll kwalunkwe strument ta' ppjanar leġislattiv jew ta' strateġija ta' politika fl-istess ħin li tibgħathom lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 2

L-abbozzi ta' atti leġislattivi Ewropej mibgħuta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għandhom jintbagħtu lill-parlamenti nazzjonali.

Għall-finijiet ta' dan il-Protokoll, “abbozzi ta' atti leġislattivi Ewropej”, għandha tfisser proposti mill-Kummissjoni, inizjattivi ta' grupp ta' Stati Membri, inizjattivi tal-Parlament Ewropew, rikjesti mill-Qorti tal-Ġustizzja, rakkomandazzjonijiet mill-Bank Ċentrali Ewropew jew rikjesti mill-Bank Ewropew ta' l-Investiment, bl-iskop li jiġu adottati bħala atti leġislattivi Ewropej.

Abbozzi ta' atti leġislattivi Ewropej li jiġu mill-Kummissjoni għandhom jintbagħtu direttament lill-parlamenti nazzjonali mill-Kummissjoni, fl-istess ħin li jintbagħtu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Abbozzi ta' atti leġislattivi Ewropej li jiġu mill-Parlament Ewropew għandhom jintbagħtu direttament lill-parlamenti nazzjonali mill-Parlament Ewropew.

Abbozzi ta' atti leġislattivi Ewropej li jiġu minn grupp ta' Stati Membri, mill-Qorti tal-Ġustizzja, mill-Bank Ċentrali Ewropew jew mill-Bank Ewropew ta' l-Investiment għandhom jintbagħtu lill-parlamenti nazzjonali mill-Kunsill.

Artikolu 3

Il-parlamenti nazzjonali jistgħu jibgħatu lill-Presidenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, opinjoni motivata dwar jekk abbozz ta' att leġislattiv Ewropew josservax il-prinċipju ta' sussidjarjetà, skond il-proċedura stabbilita fil-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u ta' proporzjonalità.

Jekk l-abbozz ta' att leġislattiv Ewropew jiġi minn grupp ta' Stati Membri, l-President tal-Kunsill għandu jibgħat l-opinjoni jew l-opinjonijiet motivati lill-gvernijiet ta' dawk l-Istati Membri.

Jekk l-abbozz ta' att leġislattiv Ewropew jiġi mill-Qorti tal-Ġustizzja, mill-Bank Ċentrali Ewropew jew mill-Bank Ewropew ta' l-Investiment, il-President tal-Kunsill għandu jibgħat l-opinjoni jew l-opinjonijiet motivati lill-istituzzjoni jew il-korp ikkonċernat.

Artikolu 4

Għandu jgħaddi perijodu ta' sitt ġimgħat bejn meta abbozz ta' att leġislattiv Ewropew ikun disponibbli għall-parlamenti nazzjonali fil-lingwi uffiċjali ta' l-Unjoni u d-data meta jitpoġġa fuq aġenda provviżorja tal-Kunsill biex jiġi adottat jew biex tiġi adottata posizzjoni skond proċedura leġislattiva. Għandu jkun possibbli li jsiru eċċezzjonijiet f'każijiet ta' urġenza, li r-raġunijiet għaliha għandhom jiġu dikjarati fl-att jew fil-posizzjoni tal-Kunsill. Salv f'każijiet urġenti li għalihom ikunu ingħataw raġunijiet xierqa, ma jista' jintlaħaq l-ebda ftehim fuq abbozz ta' att leġislattiv Ewropew matul dawk is-sitt ġimgħat. Salv f'każijiet urġenti li għalihom ikunu ngħataw raġunijiet xierqa, għandu jgħaddi perijodu ta' għaxart' ijiem bejn meta jitpoġġa abbozz ta' att leġislattiv Ewropew fuq l-aġenda provviżorja tal-Kunsill u l-adozzjoni ta' posizzjoni.

Artikolu 5

L-aġendi u r-riżultati tal-laqgħat tal-Kunsill, inklużi l-minuti tal-laqgħat li fihom il-Kunsill ikun qed jiddiskuti abbozzi ta' atti leġislattivi Ewropej, għandhom jintbagħtu direttament lill-parlamenti nazzjonali, fl-istess ħin li jintbagħtu lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri.

Artikolu 6

Meta l-Kunsill Ewropew ikollu l-intenzjoni li jagħmel użu mill-Artikolu IV-444(1) jew (2) tal-Kostituzzjoni, l-parlamenti nazzjonali għandhom ikunu infurmati dwar l-inizjattiva tal-Kunsill Ewropew mill-inqas sitt xhur qabel ma tkun adottata deċiżjoni Ewropea.

Artikolu 7

Il-Qorti ta' l-Awdituri għandha tibgħat ir-rapport annwali tagħha lill-parlamenti nazzjonali, għall-informazzjoni, fl-istess ħin li tibagħtu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 8

Fejn is-sistema parlamentari nazzjonali ma tkunx unikamerali, l-Artikoli 1 sa 7 għandhom japplikaw għall-kmamar li jikkomponuhom.

TITOLU II

KOPERAZZJONI INTERPARLAMENTARI

Artikolu 9

Il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali għandhom flimkien jiddefinixxu l-organizzazzjoni u l-promozzjoni ta' koperazzjoni interparlamentari effettiva u regolari fi ħdan l-Unjoni.

Artikolu 10

Konferenza ta' l-korpi parlamentari speċjalizzati fl-affarijiet ta' l-Unjoni tista' tissottometti kull kontribuzzjoni li jidhrilha xierqa għall-attenzjoni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. Dik il-konferenza għandha tippromwovi, fost affarijiet oħra, l-iskambju ta' informazzjoni u ta' l-aħjar prattika bejn il-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew, inklużi il-kumitati speċjali tagħhom. Hija tista' wkoll torganizza konferenzi interparlamentari fuq materji speċifiċi, partikolarment sabiex tiddibatti dwar materji ta' politika estera u ta' sigurtà komuni, inkluża l-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni. Kontribuzzjonijiet mill-konferenza m'għandhomx jorbtu lill-parlamenti nazzjonali u m'għandhomx jippreġudikaw il-posizzjonijiet tagħhom.

2.   

PROTOKOLL DWAR L-APPLIKAZZJONI TAL-PRINĊIPJI TA' SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

BILLI JIXTIEQU li jsir b'mod li d-deċiżjonijiet jittieħdu qrib kemm jista' jkun taċ-ċittadini ta'l-Unjoni;

DETERMINATI li jistabbilixxu l-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u ta' proporzjonalità, kif stabbiliti fl-Artikolu I-11 tal-Kostituzzjoni, u kif ukoll li jistabbilixxu sistema għall-monitoraġġ ta' l-applikazzjoni ta' dawk il-prinċipji,

FTEHMU fuq id-disposizzjonijiet li ġejjin, li għandhom jiġu annessi mat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa:

Artikolu 1

Kull istituzzjoni għandha tassigura r-rispett kontinwu għall-prinċipji ta' sussidjarjetà u ta' proporzjonalità, kif stabbiliti fl-Artikolu I-11 tal-Kostituzzjoni.

Artikolu 2

Qabel ma tipproponi atti leġislattivi Ewropej, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta fil-wisa'. Dawn il-konsultazzjonijiet għandhom, fejn xieraq, iqisu d-dimensjoni reġjonali u lokali ta' l-azzjoni maħsuba. F'każijiet ta' urġenza eċċezzjonali, l-Kummissjoni m'għandhiex tagħmel dawn il-konsultazzjonijiet. Għandha tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni fil-proposta tagħha.

Artikolu 3

Għall-finijiet ta' dan il-Protokoll, il-frażi “abbozzi ta' atti leġislattivi Ewropej”, għandha tfisser proposti mill-Kummissjoni, inizjattivi minn grupp ta' Stati Membri, inizjattivi mill-Parlament Ewropew, rikjesti mill-Qorti tal-Ġustizzja, rakkomandazzjonijiet mill-Bank Ċentrali Ewropew u rikjesti mill-Bank Ewropew ta' l-Investiment, biex jiġi adottat att leġislattiv Ewropew.

Artikolu 4

Il-Kummissjoni għandha tibgħat l-abbozzi tagħha ta' atti leġislattivi Ewropej kif ukoll l-abbozzi emendati tagħha lill-parlamenti nazzjonali fl-istess ħin li tibgħathom lil-leġislatur ta' l-Unjoni.

Il-Parlament Ewropew għandu jibgħat l-abbozzi tiegħu ta' atti leġislattivi Ewropej kif ukoll l-abbozzi emendati tiegħu lill-parlamenti nazzjonali.

Il-Kunsill għandu jibgħat abbozzi ta' atti leġislattivi Ewropej li jiġu minn grupp ta' Stati Membri, mill-Qorti tal-Ġustizzja, mill-Bank Ċentrali Ewropew jew mill-Bank Ewropew ta' l-Investiment, kif ukoll abbozzi emendati, lill-parlamenti nazzjonali.

Riżoluzzjonijiet leġislattivi tal-Parlament Ewropew u posizzjonijiet tal-Kunsill għandhom, meta jiġu adottati, jintbagħtu mill-Kunsill lill-parlamenti nazzjonali.

Artikolu 5

Abbozzi ta' atti leġislattivi Ewropej għandhom jiġu ġġustifikati fir-rigward tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u ta' proporzjonalità. Kull abbozz ta' att leġislattiv Ewropew għandu jinkludi fih dikjarazzjoni dettaljata li tagħmel possibbli valutazzjoni fir-rigward ta' l-osservanza tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u ta' proporzjonalità. Din id-dikjarazzjoni għandha tinkludi xi elementi li jagħmlu possibbli l-valutazzjoni ta' l-impatt finanzjarju ta' l-abbozz u, fil-każ ta' liġi kwadru Ewropea, ta' l-implikazzjonijiet tagħha għar-regoli li għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri, inkluża, fejn ikun neċessarju, l-leġislazzjoni reġjonali. Ir-raġunijiet li jwasslu għall-konklużjoni li xi mira ta' l-Unjoni tista' tintlaħaq aħjar fil-livell ta' l-Unjoni għandhom jiġu sostanzjati b'indikaturi kwalitattivi u, fejn hu possibbli, kwantitattivi. Abbozzi ta' atti leġislattivi Ewropej għandhom iqisu l-ħtieġa li kwalunkwe piż, kemm finanzjarju kif ukoll amministrattiv, li jaqa' fuq l-Unjoni, fuq il-gvernijiet nazzjonali, fuq awtoritajiet reġjonali jew lokali, fuq operaturi ekonomiċi u fuq iċ-ċittadini, ikun minimizzat u proporzjonat għall-mira li trid tintlaħaq.

Artikolu 6

Kull parlament nazzjonali jew kull kamra ta' parlament nazzjonali jistgħu, fi żmien sitt ġimgħat mid-data meta jirċievu abbozz ta'att leġislattiv Ewropew, jibgħatu lill-Presidenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni opinjoni motivata bir-raġunijiet li għalihom iqisu li l-abbozz in kwistjoni ma josservax il-prinċipju ta' sussidjarjetà. Kull parlament nazzjonali u kull kamra ta' parlament nazzjonali jistgħu jikkonsultaw, meta huwa xieraq, mal-parlamenti reġjonali li jkollhom setgħat leġislattivi.

Jekk l-abbozz ta' att leġislattiv Ewropew ġej minn grupp ta' Stati Membri, l-President tal-Kunsill għandu jibgħat l-opinjoni lill-gvernijiet ta' dawk l-Istati Membri.

Jekk l-abbozz ta' att leġislattiv Ewropew ġej mill-Qorti tal-Ġustizzja, mill-Bank Ċentrali Ewropew jew mill-Bank Ewropew ta' l-Investiment, il-President tal-Kunsill għandu jibgħat l-opinjoni lill-istituzzjoni jew il-korp ikkonċernat.

Artikolu 7

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, kif ukoll, fejn huwa xieraq, il-grupp ta' Stati Membri, l-Qorti tal-Ġustizzja, l-Bank Ċentrali Ewropew jew il-Bank Ewropew ta' l-Investiment jekk l-abbozz ta' att leġislattiv ġej minnhom, għandhom iqisu l-opinjonijiet motivati ta' parlamenti nazzjonali jew ta' kamra ta' parlament nazzjonali.

Kull parlament nazzjonali għandu jkollu żewġ voti, imqassma fuq il-bażi tas-sistema parlamentari nazzjonali. Fil-każ ta' sistema Parlamentari bikamerali, kull waħda miż-żewgt ikmamar għandu jkollha vot wieħed.

Meta l-opinjonijiet motivati dwar in-nuqqas ta' l-osservanza tal-prinċipju ta' sussidjarjetà ta' abbozz ta' att leġislattiv Ewropew jirrappreżentaw għall-anqas terz tal-voti kollha allokati lill-parlamenti nazzjonali skond it-tieni subparagrafu, l-abbozz għandu jiġi rivedut. Dan il-livell minimu għandu jkun ta' kwart fil-każ ta' abbozz ta' att leġislattiv Ewropew sottomess skond id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu III-264 tal-Kostituzzjoni dwar l-oqsma tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja.

Wara din ir-reviżjoni, il-Kummissjoni, jew, skond il-każ, il-grupp ta' Stati Membri, il-Parlament Ewropew, il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Bank Ċentrali Ewropew jew il-Bank Ewropew ta' l-Investiment, jekk l-abbozz ta' att leġislattiv Ewropew ġej minnhom, jistgħu jiddeċiedu li jżommu, jemendaw jew jirtiraw l-abbozz. Għandhom jiġu mogħtija raġunijiet għal din id-deċiżjoni.

Artikolu 8

Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea hija kompetenti biex tisma' u tiddeċiedi rikorsi bbażati fuq il-ksur tal-prinċipji ta' sussidjarjetà, minn att leġislattiv Ewropew, li jinġiebu skond ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu III-365 tal-Kostituzzjoni minn Stat Membru jew notifikati minnhom skond l-ordinament ġuridiku tagħhom f'isem il-parlament nazzjonali tagħhom jew kamra tiegħu.

Skond ir-regoli previsti fl-imsemmi Artikolu tal-Kostituzzjoni, l-Kumitat tar-Reġjuni jista' ukoll jagħmel rikors bħal dan kontra atti leġislattivi Ewropej, li biex jiġu adottati, l-Kostituzzjoni tipprevedi li l-Kumitat tar-Reġjuni għandu jkun konsultat dwarhom.

Artikolu 9

Il-Kummissjoni għandha tissottometti kull sena lill-Kunsill Ewropew, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-parlamenti nazzjonali, rapport dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu I-11 tal-Kostituzzjoni. Dan ir-rapport annwali għandu jiġi mgħoddi wkoll lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali.

3.   

PROTOKOLL DWAR L-ISTATUT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA TA' L-UNJONI EWROPEA

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

BIX-XEWQA li jistabbilixxu l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea previst fl-Artikolu III-381 tal-Kostituzzjoni,

FTEHMU dwar id-disposizzjonijiet li ġejjin, li għandhom jiġu annessi mat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika:

Artikolu 1

Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea hija kostitwita u teżerċita l-funzjonijiet tagħha skond il-Kostituzzjoni, t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika (Trattat tal-KEEA u dan l-Istatut.

TITOLU I

L-ISTATUT TA' L-IMĦALLFIN U L-AVUKATI ĠENERALI

Artikolu 2

Qabel ma jassumi l-kariga, kull Imħallef għandu, f'seduta pubblika tal-Qorti tal-Ġustizzja, jaħlef li jwettaq id-dmirijiet tiegħu b'imparzjalità u skond il-kuxjenza u li jħares is-segretezza tad-deliberazzjonijiet tal-Qorti.

Artikolu 3

L-Imħallfin igawdu l-immunità minn proċedimenti legali kontrihom. Wara li jkunu spiċċaw mill-kariga, jibqgħu jgawdu l-immunità rigward l-atti li jkunu wettqu fil-kariga uffiċjali tagħhom, inklużi l-kliem u l-kitba tagħhom.

Il-Qorti tal-Ġustizzja, f'seduta plenarja, tista' tneħħi din l-immunità. Jekk id-deċiżjoni tikkonċerna membru tal-Qorti Ġenerali jew ta' qorti speċjalizzata, l-Qorti għandha tiddeċiedi wara li tkun ikkonsultat lill-qorti kkonċernata.

Meta l-immunità tkun tneħħiet u jittieħdu proċeduri kriminali kontra mħallef, dan jista' jkun ġustizzjat biss minn qorti kompetenti biex tiġġudika l-membri ta' l-ogħla ġudikatura nazzjonali, f'xi wieħed mill-Istati Membri.

L-Artikoli 11 sa 14 u l-Artikolu 17 tal-Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet ta' l-Unjoni għandhom japplikaw għall-Imħallfin, għall-Avukati Ġenerali, għar-Reġistraturi u għall-Assistenti Relaturi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea, mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-immunità ta' l-Imħallfin minn proċedimenti legali li huma previsti fl-ewwel, it-tieni u t-tielet paragrafi ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 4

L-Imħallfin ma jista' jkollhom l-ebda kariga politika jew amministrattiva.

Ma jistgħu jeżerċitaw ebda attività professjonali, bi ħlas jew mingħajr, ħlief bl-eżenzjoni eċċezzjonali mogħtija b'deċiżjoni Ewropea tal-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza sempliċi.

Meta jassumu d-doveri tagħhom, dawn għandhom jintrabtu solennement li kemm matul il-perjodu tal-kariga tagħhom, kif ukoll wara li din tkun intemmet, jirrispettaw l-obbligi marbuta magħha, b'mod partikolari d-doveri ta' l-integrità u d-diskrezzjoni fir-rigward ta' l-aċċettazzjoni, wara li jkunu temmew il-kariga, ta' ċerti ħatriet jew benefiċċji.

F'każ ta' dubju dwar dan tiddeċiedi l-Qorti tal-Ġustizzja. Jekk id-deċiżjoni tikkonċerna membru tal-Qorti Ġenerali jew ta' qorti speċjalizzata, l-Qorti għandha tiddeċiedi wara li tkun ikkonsultat il-qorti kkonċernata.

Artikolu 5

Apparti s-sostituzzjoni normali, jew il-mewt, id-dmirijiet ta' Mħallef jintemmu individwalment meta dan jirriżenja.

Meta Mħallef jirriżenja, l-ittra tar-riżenja għandha tiġi ndirizzata lill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tintbagħat lill-President tal-Kunsill. Din in-notifika ġġib magħha li titbattal sedja.

Ħlief fejn ikun japplika l-Artikolu 6, l-Imħallef ikompli fil-kariga sakemm is-suċċessur tiegħu jassumi d-doveri tiegħu.

Artikolu 6

Imħallef jista' jiġi mneħħi mill-kariga tiegħu jew miċħud mid-dritt tiegħu għal pensjoni jew minn vantaġġi oħra minflokha, f'każ biss li, fuq opinjoni unanima ta' l-Imħallfin u ta' l-Avukati Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma jkunx iktar fil-pussess tar-rekwiżiti meħtieġa jew ma jissodisfax iktar l-obbligi tal-kariga tiegħu. L-Imħallef ikkonċernat ma jieħux parti f'deliberazzjoni bħal din. Jekk il-persuna kkonċernata tkun membru tal-Qorti Ġenerali jew ta' qorti speċjalizzata, l-Qorti għandha tiddeċiedi wara li tkun ikkonsultat lill-qorti kkonċernata.

Ir-Reġistratur għandu jikkomunika din id-deċiżjoni tal-Qorti lill-President tal-Parlament Ewropew u lill-President tal-Kummissjoni u għandu jgħarraf biha wkoll lill-President tal-Kunsill.

F'każ ta' deċiżjoni li jitneħħa Mħallef mill-kariga, n-notifika ġġib magħha li titbattal sedja.

Artikolu 7

Imħallef li l-funzjoni tiegħu tintemm qabel l-iskadenza tal-mandat tiegħu jiġi sostitwit għall-bqija taż-żmien tal-mandat.

Artikolu 8

Id-disposizzjonijiet ta' l-Artikoli 2 sa 7 għandhom japplikaw għall-Avukati Ġenerali.

TITOLU II

ORGANIZZAZZJONI TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

Artikolu 9

Meta ssir is-sostituzzjoni parzjali ta' l-Imħallfin, li sseħħ kull tlett snin, jiġu sostitwiti, alternattivament, tlettax u tnax-il Imħallef.

Fis-sostituzzjoni parzjali ta' l-Avukati Ġenerali, li sseħħ kull tliet snin, imiss erba' Avukati Ġenerali kull darba.

Artikolu 10

Ir-Reġistratur jieħu ġurament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li jaqdi dmirijietu b'imparzjalità sħiħa u skond il-kuxjenza u li jħares is-segretezza tad-deliberazzjonijiet.

Artikolu 11

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tipprovdi għas-sostituzzjoni tar-Reġistratur f'każ li dan ma jkunx jista' jattendi.

Artikolu 12

Uffiċjali u impjegati oħra għandhom jiġu addetti mal-Qorti tal-Ġustizzja biex din tkun tista' tiffunzjona. Huma għandhom ikunu responsabbli lejn ir-Reġistratur taħt l-awtorità tal-President.

Artikolu 13

Liġi Ewropea tista' tipprovdi għall-ħatra ta' Assistenti Relaturi, u tistabbilixxi r-regoli dwar is-servizz tagħhom. Din għandha tiġi adottata fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-Assistenti Relaturi jistgħu jiġu msejjħa, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura, biex jipparteċipaw fl-istruzzjoni tal-kawzi miġjuba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u biex jikkoperaw ma' l-Imħallef Relatur.

L-Assistenti Relaturi għandhom jintgħażlu minn persuni li ma jkun hemm l-ebda dubju dwar l-indipendenza tagħhom u li jippossjedu l-kwalifiki legali meħtieġa; huma għandhom jinħatru b'deċiżjoni Ewropea tal-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza sempliċi. Huma jieħdu ġurament quddiem il-Qorti li jwettqu d-dmirijiet tagħhom b'imparzjalità sħiħa u skond il-kuxjenza, u li jħarsu s-segretezza tad-deliberazzjonijiet.

Artikolu 14

L-Imħallfin, l-Avukati Ġenerali u r-Reġistratur għandhom joqogħdu fil-lokalità fejn il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha s-sede.

Artikolu 15

Il-Qorti tal-Ġustizzja tiltaqa' b'mod permanenti. It-tul tal-ferjat jiġi stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja billi tqis il-ħtiġiet tax-xogħol tagħha.

Artikolu 16

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tistitwixxi fi ħdanha awli komposti minn tliet u ħames Imħallfin. L-Imħallfin għandhom jaħtru minn fosthom il-Presidenti ta' l-awli. Il-Presidenti ta' l-awli b'ħames Imħallfin jiġu eletti għal tliet snin. Jistgħu jerġgħu jiġu eletti darba biss.

L-Awla Manja tikkonsisti minn tlettax-il Imħallef. Din tkun presjeduta mill-President tal-Qorti. Il-Presidenti ta' l-awli ta' ħames Imħallfin kif ukoll Imħallfin oħra maħtura skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura jagħmlu wkoll parti mill-Awla Manja.

Il-Qorti tiltaqa' f'Awla Manja meta Stat Membru jew istituzzjoni ta' l-Unjoni, li jkunu parti fil-kawża, hekk jitolbu.

Il-Qorti tiltaqa' bħala Qorti plenarja meta jinġiebu quddiemha rikorsi skond l-Artikolu III-335(2), it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu III-347, l-Artikolu III-349 jew l-Artikolu III-385(6) tal-Kostituzzjoni.

Barra minn hekk, meta jidhrilha li każ pendenti quddiemha jkun ta' importanza eċċezzjonali, l-Qorti tista' tiddeċiedi, wara li tisma' lill-Avukat Ġenerali, li tirreferi l-kawża lill-Qorti plenarja.

Artikolu 17

Il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi validament biss meta tkun komposta bil-fard.

Id-deċiżjonijiet ta' l-awli komposti minn tlieta jew minn ħames Imħallfin ikunu validi biss jekk mogħtija minn tliet Imħallfin.

Id-deċiżjonijiet ta' l-Awla Manja jkunu validi biss jekk l-Imħallfin sedenti jkunu disgħa.

Id-deċizjonijiet tal-Qorti plenarja jkunu validi biss jekk ikun hemm ħmistax-il Imħallef sedenti.

Fil-każ ta' impediment ta' wieħed mill-Imħallfin ta' awla, Imħallef ta' awla oħra jista' jissejjaħ biex jieħu s-sedja skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura.

Artikolu 18

Ebda Mħallef jew Avukat Ġenerali ma jista' jieħu sehem fit-trattazzjoni ta' kawża li jista' jkun ħa parti fiha qabel bħala aġent jew konsulent jew ikun aġixxa għal waħda mill-partijiet, jew li jkun ġie msejjaħ biex jippronunzja ruħu bħala membru tal-qorti jew ta' tribunal, ta' Kummissjoni ta' inkjesta jew f'kapaċità oħra.

Jekk, għal xi raġuni speċjali, xi mħallef jew Avukat Ġenerali jikkunsidra li m'għandux jieħu sehem fis-sentenza jew fl-eżami ta' xi kawża partikolari, hu għandu jinforma lill-President. Jekk il-President jikkunsidra li xi Mħallef jew Avukat Ġenerali għal xi raġuni speċjali m'għandux jisma' jew jagħti sentenza f'kawża partikolari, huwa għandu jgħarrfu b'dan.

F'każ ta diffikultà fl-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, din għandha tiġi deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja.

Parti ma tistax titlob il-bidla fil-komposizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jew ta' waħda mill-awli tagħha għar-raġuni la taċ-ċittadinanza ta' Imħallef u lanqas ta' l-assenza mill-Qorti jew mill-awla ta' Mħallef taċ-ċittadinanza ta' dik il-parti.

TITOLU III

PROĊEDURA QUDDIEM IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

Artikolu 19

L-Istati Membri kif ukoll l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni għandhom ikunu rappreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn aġent maħtur għal kull każ. L-aġent jista' jkun assistit minn konsulent jew minn avukat.

L-Istati li huma parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, barra mill-Istati Membri, kif ukoll l-Awtorità ta' Sorveljanza ta' l-Assoċazzjoni Ewropea għall-Kummerċ ħieles (EFTA) prevista f'dak il-Ftehim għandhom ikunu rappreżentati bl-istess mod.

Partijiet oħra għandhom ikunu rappreżentati minn avukat.

Avukat jista' jirrappreżenta jew jassisti parti quddiem il-Qorti biss jekk ikun awtorizzat biex jipprattika quddiem qorti ta' Stat Membru jew ta' Stat ieħor li huwa parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.

Meta jidhru quddiem il-Qorti dawn l-aġenti, l-konsulenti u l-avukati, għandhom igawdu d-drittijiet u l-immunitajiet meħtieġa għall-eżerċizzju indipendenti tad-dmirijiet tagħhom, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura.

Fir-rigward ta' dawn il-konsulenti u l-avukati li jidhru quddiemha, l-Qorti għandu jkollha s-setgħat li ġeneralment igawdu qrati u tribunali, skond il-kondizzjonijet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura.

Għalliema ta' l-Università li jkunu ċittadini ta' l-Istati Membri li l-liġi tagħhom tagħtihom id-dritt ta' udjenza għandu jkollhom l-istess drittijiet quddiem il-Qorti li dan l-Artikolu jagħti lill-avukati.

Artikolu 20

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonsisti f'żewġ partijiet: dik miktuba u dik orali.

Il-proċedura miktuba tikkonsisti fil-komunikazzjoni lill-partijiet u lill-istituzzjonijiet, lill-korpi jew lill-aġenziji ta' l-Unjoni li l-azzjonijiet tagħhom ikunu qed jiġu mistħarrġa, ta' rikorsi, dikjarazzjonijiet dwar il-każ, difiżi u osservazzjonijiet, u ta' repliki, jekk ikun hemm, kif ukoll ta' skritturi u dokumenti miġjuba biex isaħħu l-każ jew ta' kopji awtentikati tagħhom.

Il-komunikazzjonijiet għandhom isiru mir-Reġistratur fl-ordni u fit-termini stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura.

Il-proċedura orali għandha tikkonsisti fil-qari tar-rapport ippreżentat minn Imħallef li jkun jaġixxi bħala Relatur, fis-smigħ mill-Qorti ta' aġenti, konsulenti u avukati u fis-sottomissjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, kif ukoll fis-smigħ, jekk ikun hemm, ta' xhieda u esperti.

Meta l-Qorti tqis li l-kawża ma tqajjimx xi punt ġdid ta' dritt, hija tista' tiddeċiedi, wara li tisma' l-Avukat Ġenerali, illi l-kawża tista' tinqata' mingħajr sottomissjoni mill-Avukat Ġenerali.

Artikolu 21

Każ jista' jitressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta' rikors bil-miktub li jintbagħat lir-Reġistratur. Fir-rikors għandu jkun hemm l-isem u l-indirizz permanenti tar-rikorrent u l-kwalità tal-firmatarju, l-isem tal-parti jew tal-partijiet li kontrihom ikun qed isir ir-rikors, l-materja tal-kwistjoni, l-konklużjonjiet u dikjarazzoni fil-qosor tal-motivi tat-talba.

Ir-rikors għandu jkun akkompanjat, meta jkun il-każ, mill-att li tiegħu jintalab l-annullament jew, fl-ipotesi kontemplata fl-Artikolu III-367 tal-Kostituzzjoni, minn xhieda dokumentata li tiċċertifika d-data meta istituzzjoni tkun ġiet mitluba taġixxi, skond dak l-Artikolu. Jekk dawn id-dokumenti ma jkunux ġew sottomessi mar-rikors, ir-Reġistratur għandu jsejjaħ lill-parti interessata biex tipproduċihom fi żmien raġonevoli, iżda bla ma tkun tista tiġi eċċepita l-iskadenza tat-terminu meta d-dokumenti jinġiebu wara li jkun għalaq iż-żmien li fih kellu jsir ir-rikors.

Artikolu 22

Il-każijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 18 tat-Trattat tal-KEEA għandhom jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta' rikors li jintbagħat lir-Reġistratur. L-appell għandu jkun fih l-isem u l-indirizz permanenti tar-rikorrent u l-kwalità tal-firmatarju, referenza għad-deċiżjoni li kontriha jkun qed jitressaq l-appell, l-ismijiet tal-partijiet li kontrihom ikun qed isir l-appell, l-oġġett tal-kawża, s-sottomissjonijiet u dikjarazzjoni fil-qosor tal-motivi ta' l-appell.

Mar-rikors għandu jkun hemm kopja awtentikata tad-deċiżjoni tal-Kumitat ta' l-Arbitraġġ li tkun qed tiġi kontestata.

Jekk il-Qorti tiċħad ir-rikors, is-sentenza tal-Kumitat ta' l-Arbitraġġ tkun definittiva.

Jekk il-Qorti tannulla d-deċiżjoni tal-Kumitat ta' l-Arbitraġġ, il-proċedura tista' terġa' tinfetaħ, jekk ikun il-każ, fuq l-inizjattiva ta' waħda mill-partijiet fil-kawża, quddiem il-Kumitat ta' l-Arbitraġġ. Dan għandu jikkonforma mad-deċiżjonijiet dwar punti ta' dritt mogħtija mill-Qorti.

Artikolu 23

Fil-każijiet regolati mill-Artikolu III-369 tal-Kostituzzjoni, d-deċiżjoni tal-qorti jew tat-tribunal nazzjonali li tissospendi l-proċedimenti u tirreferi l-każ lill-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiġi notifikata lill-Qorti mill-qorti jew mit-tribunal ikkonċernat. Id-deċiżjoni għandha mbagħad tiġi notifikata mir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja lill-partijiet, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-istituzzjoni, lill-korp jew lill-aġenzija li jkunu adottaw l-att, li l-validità jew l-interpretazzjoni tiegħu tkun qed tiġi kontestata.

Fi żmien xahrejn minn din in-notifika, l-partijiet, l-Istati Membri, l-Kummisjoni u, meta jkun il-każ, l-istituzzjoni, l-korp jew l-aġenzija li jkunu adottaw l-att li l-validità jew l-interpretazzjoni tiegħu tkun qed tiġi kontestata għandhom id-dritt li jissottomettu memoranda dwar il-każ jew osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti.

Minbarra dan, id-deċiżjoni tal-qorti jew tat-tribunal nazzjonali għandha tiġi notifikata mir-Reġistratur tal-Qorti, lill-Istati li ffirmaw il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, barra lill-Istati Membri, kif ukoll lill-Awtorità ta' Sorveljanza ta' l-EFTA prevista f'dak il-Ftehim, li fi żmien xahrejn min-notifika, jistgħu jissottomettu dikjarazzjonijiet dwar il-każ jew osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti, meta jikkonċerna wieħed mill-oqsma ta' l-applikazzjoni ta' dak il-Ftehim. Dan il-paragrafu ma japplikax għal kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta' l-applikazzjoni tat-Trattat tal-KEEA.

Meta xi ftehim li għandu x'jaqsam ma' materja speċifika, konkluż mill-Kunsill u pajjiż terz wieħed jew iktar, jipprovdi li dawk il-pajjiżi jkollhom id-dritt li jissottomettu memoranda dwar il-każ jew osservazzjonijiet bil-miktub, meta qorti jew tribunal ta' Stat Membru jagħmel rikors quddiem il-Qorti għal deċiżjoni preliminari dwar xi kwistjoni li taqa' fil-qasam ta' applikazzjoni tal-ftehim, id-deċizjoni tal-qorti jew tat-tribunal nazzjonali li tinkludi dik il-kwistjoni għandha wkoll tiġi notifikata lill-pajjiż terz konċernat. Fi żmien xahrejn min-notifika, dawk il-pajjiżijistgħu jressqu memoranda dwar il-każ jew osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Artikolu 24

Il-Qorti tal-Ġustizzja tista' titlob lill-partijiet biex jipproduċu d-dokumenti kollha u biex jagħtu l-informazzjoni kollha li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tixtieq. F'każ ta rifjut, għandha tittieħed nota formali.

Il-Qorti tista' wkoll titlob lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet, il-korpi u lill-aġenziji ta' l-Unjoni li ma jkunux parti fil-kawża, illi jagħtu l-informazzjoni kollha li l-Qorti tqis meħtieġa għall-fini tal-proċess.

Artikolu 25

Il-Qorti tal-Ġustizzja tista' f'kull żmien tordna li ssir perizja minn kull persuna, korp, awtorità, kumitat jew organu ieħor li tagħżel hi.

Artikolu 26

Ix-xhieda jistgħu jinstemgħu skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura.

Artikolu 27

Rigward xhieda li jonqsu li jidhru, l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-poteri li ġeneralment jingħataw lill-qrati u lill-Qorti Ġenerali u tista' timponi pieni ta' flus skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura.

Artikolu 28

Ix-xhieda u l-esperti jistgħu jinstemgħu bil-ġurament li jittieħed skond il-forma stabbilita fir-Regoli tal-Proċedura jew bil-mod kif stabbilit fil-liġijiet tal-pajjiż tax-xhud jew tal-espert.

Artikolu 29

Il-Qorti tal-Ġustizzja tista' tordna li xhud jew espert jinstema' mill-awtorità ġudizzjarja tal-post tar-residenza permanenti tiegħu.

L-ordni tintbagħat għall-eżekuzzjoni lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura. Id-dokumenti riżultanti mill-esekuzzjoni tar-rogatorji għandhom jiġu rritornati lill-Qorti bl-istess kondizzjonijiet.

Il-Qorti tassumi r-responsabbiltà ta' l-ispejjeż, mingħajr preġudizzju għad-dritt li tgħaddihom, jekk ikun il-każ, lill-partijiet.

Artikolu 30

Kull Stat Membru għandu jqis kull ksur tal-ġurament minn xhud jew minn espert bħallikieku r-reat kien kommess quddiem qorti nazzjonali tiegħu f'materji ċivili. Fuq denunzja tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipproċedi kontra l-awturi ta' dak ir-reat quddiem il-qorti kompetenti nazzjonali.

Artikolu 31

Is-smigħ fil-qorti għandu jkun pubbliku, sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja, fuq inizjattiva tagħha jew fuq talba tal-partijiet kkonċernati, ma tiddeċiedix mod ieħor għal raġunijiet serji.

Artikolu 32

Waqt is-smigħ il-Qorti tal-Ġustizzja tista' teżamina l-esperti, x-xhieda kif ukoll il-partijiet stess. Madankollu dawn ta' l-aħħar ma jistgħux jindirizzaw lill-Qorti tal-Ġustizzja ħlief permezz tar-rappreżentanti tagħhom.

Artikolu 33

Għal kull smigħ għandu jinżamm verbal iffirmat mill-President u mir-Reġistratur.

Artikolu 34

Il-lista tal-kawżi għandha tiġi ffissata mill-President.

Artikolu 35

Id-deliberazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja għandhom ikunu u għandhom jibqgħu sigrieti.

Artikolu 36

Is-sentenzi għandhom ikunu motivati. Għandu jkun fihom l-ismijiet ta' l-Imħallfin li jkunu ħadu parti fid-deliberazzjonijiet.

Artikolu 37

Is-sentenzi għandhom jiġu ffirmati mill-President u mir-Reġistratur. Għandhom jinqraw fil-Qorti bil-miftuħ.

Artikolu 38

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

Artikolu 39

Il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista', skond proċedura sommarja li tista' tidderoga safejn meħtieġ, minn xi wħud mir-regoli ta' dan l-Istatut u li hija stabbilita minn Regoli tal-Proċedura, jiddeċiedi dwar rikorsi għas-sospensjoni prevista fl-Artikolu III-379(1) tal-Kostituzzjoni u fl-Artikolu 157 tat-Trattat tal-KEEA, jew jippreskrivi miżuri proviżorji skond l-Artikolu III-379(2) tal-Kostituzzjoni, jew jissospendi l-eżekuzzjoni furzata skond ir-raba' paragrafu ta' l-Artikolu III-401 tal-Kostituzzjoni jew skond it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 164 tat-Trattat tal-KEEA.

F'każ ta' impediment tal-President, dan għandu jiġi sostitwit minn Imħallef ieħor skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura.

Id-deċiżjoni tal-President jew ta' l-Imħallef li jkun issostitwih tkun biss ta' karattru proviżorju u bl-ebda mod ma tippreġudika d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-mertu.

Artikolu 40

L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni jistgħu jintervjenu fil-kawżi miġjuba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Għandu jkollhom dan l-istess dritt il-korpi u l-aġenziji ta' l-Unjoni u kwalunkwe persuna oħra li tista' tiġġustifika interess fir-riżultat ta' xi każ miġjub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Persuni fiżiċi jew ġuridiċi ma jistgħux jintervjenu f'kawzi bejn Stati Membri, bejn istituzzjonijiet ta' l-Unjoni jew bejn Stati Membri u istituzzjonijiet ta' l-Unjoni.

Mingħajr preġudizzju għat-tieni paragrafu, l-Istati li ffirmaw il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, barra mill-Istati Membri, kif ukoll l-Awtorita ta' Sorveljanza ta' l-EFTA prevista f'dak il-Ftehim, jistgħu jintervjenu fil-kawżi miġjuba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja meta dawn jirrigwardaw wieħed mill-oqsma ta' l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim.

Rikorsi għal intervent għandu jkollhom bħala oġġett biss is-sostenn tat-talbiet ta' waħda mill-partijiet.

Artikolu 41

Meta l-parti konvenuta, imħarrka skond kif suppost, tonqos milli tressaq sottomissjonijiet bil-miktub, is-sentenza għandha tingħata fil-kontumaċja tagħha. Tista' ssir opposizzjoni għas-sentenza fi żmien xahar min-notifika tagħha. Salv deċiżjoni kuntrarja tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-opposizzjoni ma għandhiex twaqqaf l-esekuzzjoni tas-sentenza mogħtija fil-kontumaċja.

Artikolu 42

L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji ta' l-Unjoni u kull persuna oħra fiżika jew ġuridika jistgħu, fil-każijiet u skond il-kondizzjonijiet stabbiliti mir-Regoli tal-Proċedura, jistgħu jagħmlu opposizzjoni tat-terzi kontra sentenzi mogħtija mingħajr ma huma jkunu ġew imsejjħa fil-kawża, meta dawk is-sentenzi jippreġudikaw id-drittijiet tagħhom.

Artikolu 43

F'każ ta' dubju dwar it-tifsir jew il-kamp ta' l-applikazzjoni ta' sentenza, l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpretaha fuq talba ta' xi parti jew ta' xi istituzzjoni ta' l-Unjoni li turi li jkollha interess f'dan.

Artikolu 44

Ir-reviżjoni ta' sentenza tista' tintalab lill-Qorti tal-Ġustizzja biss meta jiġi skopert fatt ta' natura tali li jkollu influwenza deċiżiva u li, qabel ma ngħatat s-sentenza, ma kienx magħruf mill-Qorti u mill-parti li titlob ir-reviżjoni.

Il-proċedura tar-reviżjoni tinfetaħ b'sentenza tal-Qorti li tikkonstata espressament l-eżistenza ta' fatt ġdid, hija u tirrikonoxxi li dan hu ta' karattru li jagħti lok għar-reviżjoni u tiddikjara li għal din ir-raġuni t-talba tkun ammissibbli.

Ebda talba għar-reviżjoni ma tista' ssir wara li jgħaddu għaxar snin mid-data tas-sentenza.

Artikolu 45

Il-perjodi ta' grazzja fuq konsiderazzjonijiet ta' distanza huma stabbiliti mir-Regoli tal-Proċedura.

Ebda dritt ma jintilef bħala riżultat ta' l-iskadenza tat-termini, jekk il-parti interessata tipprova l-eżistenza ta' każ fortuwitu jew ta' forza maġġuri.

Artikolu 46

L-azzjonijiet kontra l-Unjoni f'materja ta' responsabiltà non-kontrattwali jiġu preskritti b'ħames snin li jibdew jgħoddu minn meta jiġri l-fatt li jagħti lok għalihom. Il-preskrizzjoni tiġi interrotta bil-preżentazzjoni tar-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jew b'talba li ssir qabel ir-rikors mill-parti leża lill-istituzzjoni kkonċernata ta' l-Unjoni. F'dan l-aħħar każ, ir-rikors għandu jiġi ppreżentat fit-terminu ta' xahrejn previst fl-Artikolu III-365 tal-Kostituzzjoni. It-tieni paragrafu ta' l-Artikolu III-367 tal-Kostituzzjoni għandu japplika.

Dan l-Artikolu għandu japplika wkoll għal rikorsi kontra l-Bank Ċentrali Ewropew f'dak li għandu x'jaqsam ma' responsabbiltà non-kontrattwali.

TITOLU IV

IL-QORTI ĠENERALI

Artikolu 47

L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 9, l-Artikoli 14 u 15, l-ewwel, it-tieni, r-raba' u l-ħames paragrafi ta' l-Artikolu 17 u l-Artikolu 18 japplikaw għall-Qorti Ġenerali u l-membri tagħha.

L-Artikoli 10, 11 u 14 japplikaw għar-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali mutatis mutandis.

Artikolu 48

Il-Qorti Ġenerali tikkonsisti minn ħamsa u għoxrin Imħallef.

Artikolu 49

Il-membri tal-Qorti Ġenerali jistgħu jissejħu biex jeżerċitaw il-funzjoni ta' Avukat Ġenerali.

L-Avukat Ġenerali għandu d-dmir li jippreżenta pubblikament, bl-imparzjalità kollha u bl-indipendenza kollha, sottomissjonijiet motivati fuq ċerti materji mressqin quddiem il-Qorti Ġenerali bl-iskop li jassistiha fix-xogħol tagħha.

Il-kriterji tal-għażla ta' dawn il-materji, kif ukoll il-modalitajiet biex jiġu nominati l-Avukati Ġenerali, huma stabbiliti mir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

Membru tal-Qorti li jiġi msejjaħ biex jeżerċita l-funzjoni ta' Avukat Ġenerali f'kawża ma jistax jieħu sehem fid-deċiżjoni ta' dik il-kawża.

Artikolu 50

Il-Qorti Ġenerali tiltaqa' f'awli komposti minn tlieta jew ħames Imħallfin. L-Imħallfin għandhom jaħtru minn fosthom il-Presidenti ta' l-awli. Il-Presidenti ta' l-awli b'ħames Imħallfin jiġu eletti għal tliet snin. Jistgħu jerġgħu jiġu eletti darba biss.

Il-komposizzjoni ta' l-awli u t-tqassim tal-kawżi bejniethom isiru skond ir-Regoli tal-Proċedura. F'ċerti każi, determinati mir-Regoli tal-Proċedura, l-Qorti Ġenerali tista' tiltaqa' f'seduta plenarja jew tkun kostitwita minn Imħallef wieħed.

Ir-Regoli tal-Proċedura jistgħu wkoll jipprovdu li l-Qorti Ġenerali tiltaqa' f'Awla Manja fil-każi u skond il-kondizzjonijiet speċifikati fihom.

Artikolu 51

B'deroga għar-regola stabbilita fl-Artikolu III-358(1) tal-Kostituzzjoni, huma reservati għall-Qorti tal-Ġustizzja dawk ir-rikorsi previsti fl-Artikoli III-365 u III-367 tal-Kostituzzjoni meta dawn huma miġjuba minn Stat Membru:

a)

kontra att jew nuqqas ta' azzjoni tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill, jew ta' dawn iż-żewġ istituzzjonijiet meta jaġixxu flimkien, minbarra:

deċiżjonijiet Ewropej meħuda mill-Kunsill taħt it-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu III-168(2) tal-Kostituzzjoni;

atti tal-Kunsill adottati skond att tal-Kunsill rigward miżuri ta' difiża kummerċjali fis-sens ta' l-Artikolu III-315 tal-Kostituzzjoni;

atti tal-Kunsill li bihom il-Kunsill jeżerċita setgħat ta' implimentazzjoni skond l- Artikolu I-37(2) tal-Kostituzzjoni.

b)

kontra att jew nuqqas ta' azzjoni tal-Kummissjoni skond l-Artikolu III-420(1) tal-Kostituzzjoni.

Meta r-rikorsi previsti f'dawn l-istess Artikoli jsiru minn istituzzjoni ta' l-Unjoni kontra att jew nuqqas ta' azzjoni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, ta' dawn iż-żewġ istituzzjonijiet meta jaġixxu flimkien, jew mill-Kummissjoni jew minn istituzzjoni tal-Komunitajiet kontra att jew nuqqas ta' azzjoni tal-Bank ċentrali Ewropew, il-ġurisdizzjoni hija wkoll riservata għall-Qorti tal-ġustizzja'.

Article 52

Il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-President tal-Qorti Ġenerali għandhom jistabbilixxu, bi qbil bejniethom, il-kondizzjonijiet li taħthom l-uffiċjali u l-impjegati l-oħra addetti mal-Qorti għandhom jagħtu s-servizzi tagħhom lill-Qorti Ġenerali biex jassiguraw il-funzjonament tagħha. Ċerti uffiċjali jew impjegati oħra huma responsabbli lejn ir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali taħt l-awtorità tal-President tal-Qorti Ġenerali.

Artikolu 53

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali hija regolata bit-Titolu III.

Il-proċedura hija definita u kompletata, kif ikun meħtieġ fir-Regoli tal-Proċedura tagħha. Ir-Regoli tal-Proċedura jistgħu jidderogaw mir-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 40 u mill-Artikolu 41 biex jieħdu in konsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi tal-litigazzjoni fil-qasam tal-proprjetà intellettwali.

B'deroga mir-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 20, l-Avukat Ġenerali jista' jippreżenta s-sottomissjonijiet motivati tiegħu bil-miktub.

Artikolu 54

Jekk rikors jew att proċedurali ieħor indirizzat lill-Qorti Ġenerali jiġi preżentat bi żball lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan għandu jgħaddih immedjatament lir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali. Bl-istess mod, jekk rikors jew att proċedurali ieħor indirizzat lill-Qorti tal-Ġustizzja jiġi preżentat bi żball lir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali, dan għandu jgħaddih immedjatament lir-Reġistratur tal-Qorti.

Meta l-Qorti Ġenerali issib li ma tkunx kompetenti biex tieħu konjizzjoni ta' rikors li jidħol fil-kompetenza tal-Qorti, hi għandha tirreferi dak ir-rikors lill-Qorti. Bl-istess mod, meta l-Qorti ssib li rikors jidħol fil-kompetenza tal-Qorti Ġenerali, hija għandha tirreferi dak ir-rikors lil din ta' l-aħħar, li imbagħad ma tkunx tista' tirrifjuta l-kompetenza tagħha.

Meta jitressqu quddiem il-Qorti u l-Qorti Ġenerali kawżi li jkollhom l-istess oġġett, li fihom titqajjem l-istess kwistjoni ta' interpretazzjoni jew li fihom jiġi sollevat dubju dwar il-validità ta' l-istess att, il-Qorti Ġenerali tista', wara li tisma lill-partijiet, tissospendi l-proċediment sakemm tingħata s-sentenza tal-Qorti, jew, jekk huwa rikors magħmul skond l-Artikolu III-365 tal-Kostituzzjoni jew l-Artikolu 146 tat-Trattat tal-KEEA, tirrifjuta l-kompetenza tiegħu sabiex il-Qorti tkun tista' tiddeċiedi dwar ir-rikors. Fl-istess ċirkustanzi, l-Qorti tal-Ġustizzja tista' wkoll tiddeċiedi li tissospendi l-proċediment li jkollha quddiemha. F'dak il-każ, għandhom jitkomplew il-proċedimenti quddiem il-Qorti Ġenerali.

Meta Stat Membru u istituzzjoni jagħmlu rikors kontra l-istess att, il-Qorti Ġenerali għandha tirrinunzja l-kompetenza tagħha sabiex il-Qorti tkun tista' tiddeċiedi dwar ir-rikors.

Artikolu 55

Id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jikkonkludu l-proċediment, id-deċiżjonijiet li jaqtgħu parzjalment kwistjonijiet fil-mertu, jew li jikkonkludu kwistjoni ta' proċedura dwar eċċezzjoni ta' inkompetenza jew ta' inammisibbiltà, għandhom jiġu notifikati mir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali lill-partijiet kollha kif ukoll lill-Istati Membri kollha u lill-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni anke jekk dawn ma jkunux intervenew fil-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

Artikolu 56

Jista' jsir appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fi żmien xahrejn min-notifika tad-deċiżjoni li minnha jsir l-appell, kontra d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jikkonkludu l-proċediment kif ukoll kontra d-deċiżjonijiet tiegħu li jaqtgħu parzjalment kwistjonijiet fil-mertu, jew li jikkonkludu kwistjoni ta' proċedura dwar eċċezzjoni ta' inkompetenza jew ta' inammissibilità.

Dan l-appell jista' jitressaq minn kwalunkwe parti li ma tkunx irnexxiet, parzjalment jew għal kollox, fit-talbiet tagħha. Madankollu, dawk li jintervjenu, ħlief l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni, jistgħu jressqu dan l-appell biss meta d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tolqothom direttament.

Ħlief fil-każ ta' kawżi bejn l-Unjoni u l-impjegati tagħha, appell jista' wkoll jitressaq minn Stati Membri u istituzzjonijiet ta' l-Unjoni li ma jkunux intervenew fil-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. F'dan il-każ l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ikunu fl-istess posizzjoni bħal dik ta' Stati Membri jew istituzzjonijiet li jkunu għamlu intervent fi prim' istanza.

Artikolu 57

Jista' jsir appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jkunu ċaħdu talba għall-intervent fi żmien ġimgħatejn min-notifika tad-deċiżjoni li tiċħad, minn kull persuna li t-talba tagħha tkun ġiet miċħuda.

Il-partijiet fil-proċedimenti jistgħu jappellaw quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra kull sentenza tal-Qorti Ġenerali mogħtija skond l-Artikolu III-379(1) jew (2), jew skond ir-raba' paragrafu ta' l-Artikolu III-401 tal-Kostituzzjoni jew skond l-Artikolu 157 jew it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 164 tat-Trattat tal-KEEA fi żmien xahrejn min-notifika tagħha.

L-appell previst fl-ewwel żewġ paragrafi għandu jiġi deċiż skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 39.

Artikolu 58

Appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkun limitat għal punti ta' dritt. Jista' jkun ibbażat fuq motivi ta' l-inkompetenza tal-Qorti Ġenerali, ta' ksur tal-proċedura quddiemha li jista' jagħmel ħsara lill-interessi ta' l-appellant kif ukoll ksur tad-dritt ta' l-Unjoni mill-Qorti Ġenerali.

Ma jistax isir appell fuq il-kap ta' l-ispejjeż biss, dwar min ibagħtihom u l-ammonti tagħhom.

Artikolu 59

Fil-każ ta' appell kontra deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkonsisti f'parti bil-miktub u parti orali. Skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura, l-Qorti tal-Ġustizzja, wara li tkun semgħet lill-Avukat Ġenerali u lill-partijiet, tista' tiddeċiedi mingħajr il-proċedura orali.

Artikolu 60

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu III-379(1) jew (2) tal-Kostituzzjoni jew l-Artikolu 157 tat-Trattat tal-KEEA, appell ma għandux ikollu effett sospensiv.

B'deroga għall-Artikolu III-380 tal-Kostituzzjoni, d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jannullaw liġi Ewropea jew regolament Ewropew, illi jorbtu fl-intier tagħhom u li huma direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha, għandu jkollhom effett biss mid-data ta' l-għeluq tat-terminu previst fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 56 ta' dan l-Istatut jew, jekk jitressaq appell f'dak it-terminu, mid-data taċ-ċaħda ta' l-appell, mingħajr preġudizzju għall-fakultà ta' parti li tagħmel talba lill-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikolu III-379(1) jew (2) tal-Kostituzzjoni, jew skond l-Artikolu 157 tat-Trattat tal-KEEA għas-sospensjoni ta' l-effetti tal-liġi Ewropea jew tar-regolament Ewropew annullat jew għall-adozzjoni ta' kull miżura proviżorja oħra.

Artikolu 61

Jekk l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Tista' allura tiddeċiedi hija stess il-kawża definittivament, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali biex din tiddeċiedi.

F'każ ta' rinviju, l-Qorti Ġenerali għandha tkun marbuta bil-punti ta' dritt li jkunu ġew deċiżi mill-Qorti tal-Ġustizzja.

Meta appell magħmul minn Stat Membru jew minn istituzzjoni ta' l-Unjoni, li ma jkunux intervenew fil-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali jkun fondat, il-Qorti tista', jekk ikun jidhrilha meħtieġ, tindika dawk l-effetti tad-deċiżjoni annullata tal-Qorti Ġenerali li għandhom jiġu kunsidrati definittivi fil-konfront tal-partijiet fil-kawża.

Artikolu 62

Fil-każijiet previsti fl-Artikolu III-358(2) u (3) tal-Kostituzzjoni, meta l-Avukat Ġenerali Prinċipali jidhirlu li jeżisti riskju serju għall-unità jew għall-koerenza tad-dritt ta' l-Unjoni, huwa jista' jipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali.

Il-proposta għandha ssir fi żmien xahar mill-għoti tad-deċiżjoni mill-Qorti Ġenerali. Fi zmien xahar minn meta tirċievi l-proposta magħmula mill-Avukat ġenerali Prinċipali, l-Qorti għandha tiddeċiedi jekk hemmx lok jew le għall-eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni.

TITOLU V

DISPOSIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 63

Ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali għandu jkun fihom id-disposizzjonijiet kollha meħtieġa biex jiġi applikat u, fejn meħtieġ, kompletat dan l-Istatut.

Artikolu 64

In-normi li jirregolaw ir-reġim lingwistiku applikabbli fil-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea għandhom jiġu stabbiliti b'regolament Ewropew tal-Kunsill li jaġixxi b'mod unanimu. Dan ir-Regolament għandu jiġi adottat jew fuq it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja u wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew, jew fuq proposta mill-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Qorti tal-Ġustizzja u mal-Parlament Ewropew.

Sakemm dawk ir-regoli jiġu adottati, għandhom japplikaw id-disposizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali li jirregolaw l-arranġamenti tal-lingwi. B'deroga mill-Artikoli III-355 u III-356 tal-Kostituzzjoni, dawk id-disposizzjonijiet jistgħu jiġu emendati jew imħassra biss bl-approvazzjoni unanima tal-Kunsill.

Artikolu 65

1.   B'deroga mill-Artikolu IV-437 tal-Kostituzzjoni, kull emenda għall-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u mat-Trattat tal-KEEA, li tiġi adottata fiż-żmien bejn l-iffirmar tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa u l-bidu fis-seħħ tiegħu, għandha tibqa' fis-seħħ.

2.   Sabiex l-emendi previsti fil-paragrafu 1 jiġu nkorporati fit-termini normativi ta' dan l-Istatut, huma għandhom jiġu kodifikati uffiċjalment b'liġi Ewropea tal-Kunsill, li tkun adottata fuq it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja. Meta din il-liġi kodifikanti Ewropea tibda sseħħ, dan l-Artikolu għandu jitħassar.

4.   

PROTOKOLL DWAR L-ISTATUT TAS-SISTEMA EWROPEA TA' BANEK ĊENTRALI U TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

BIX-XEWQA li jistabbilixxu l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew kif previst fl-Artikoli I-30 u III-187(2), tal-Kostituzzjoni,

FTEHMU dwar id-disposizzjonijiet li ġejjin, li għandhom jiġu annessi mat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa:

KAPITOLU I

IS-SISTEMA EWROPEA TA' BANEK ĊENTRALI

Artikolu 1

Is-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali

1.   Skond l-Artikolu I-30(1) tal-Kostituzzjoni, l-Bank Ċentrali Ewropew flimkien mal-banek ċentrali nazzjonali jikkostitwixxu s-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali. Il-Bank Ċentrali Ewropew flimkien mal-banek ċentrali nazzjonali ta' dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom jikkostitwixxu l-Ewrosistema.

2.   Is-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u l-Bank Ċentrali Ewropew għandhom iwettqu dmirijiethom u jwettqu l-attivitajiet tagħhom skond il-Kostituzzjoni u ta' dan l-Istatut.

KAPITOLU II

MIRI U KOMPITI TAS-SISTEMA EWROPEA TA' BANEK ĊENTRALI

Artikolu 2

Miri

Skond l-Artikoli I-30(2) u III-185(1) tal-Kostituzzjoni, l-mira primarja tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali għandha tkun li tinżamm l-istabbilità tal-prezzijiet. Mingħajr preġudizzju għal din il-mira, huma għandhom jagħtu s-sostenn tagħhom lill-politika ekonomika ġenerali fl-Unjoni biex jikkontribwixxu għall-kisba tal-miri ta' l-Unjoni kif previst fl-Artikolu I-3 tal-Kostituzzjoni. Is-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali għandha taġixxi skond il-prinċipju ta' ekonomija ta' suq miftuħ b'kompetizzjoni libera, li tiffavorixxi allokazzjoni effiċjenti ta' riżorsi, u bi qbil mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu III-177 tal-Kostituzzjoni.

Artikolu 3

Kompiti

1.   Skond l-Artikolu III-185(2) tal-Kostituzzjoni, l-kompiti fundamentali li għandhom jitwettqu permezz tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali huma:

a)

li tiġi definita u implimentata l-politika monetarja ta' l-Unjoni;

b)

li jitwettqu operazzjonijiet ta' kambju konsistenti ma' l-Artikolu III-326 tal-Kostituzzjoni;

ċ)

li jinżammu u jiġu amministrati r-riżervi uffiċjali barranin ta' l-Istati Membri;

d)

li tiġi promossa l-operazzjoni bla xkiel ta' sistemi ta' pagament.

2.   Skond l-Artikolu III-185(3) tal-Kostituzzjoni, l-paragrafu 1(ċ) ta' dan l-Artikolu ma jippreġudikax id-dritt tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri li jżommu u jamministraw bilanċi operattivi fil-kambju internazzjonali.

3.   Skond l-Artikolu III-185(5) tal-Kostituzzjoni, s-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali għandha tikkontribwixxi għat-tmexxija tajba ta' linji politiċi segwiti mill-awtoritajiet kompetenti f'dak li jirrigwarda is-sorveljanza prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istabbilità tas-sistema finanzjarja.

Artikolu 4

Funzjonijiet konsultattivi

Skond l-Artikolu III-185(4) tal-Kostituzzjoni, l-Bank Ċentrali Ewropew għandu jiġi kkonsultat:

a)

dwar kull att ta' l-Unjoni propost fl-oqsma ta' kompetenza tiegħu;

b)

mill-awtoritajiet nazzjonali dwar kull disposizzjoni leġislattiva abbozzata fl-oqsma ta' kompetenza tiegħu, imma fil-limiti u skond il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 41.

Il-Bank Ċentrali Ewropew jista' jissottometti opinjonijiet lill-istituzzjonijiet, lill-korpi jew lill-aġenziji ta' l-Unjoni jew lil awtoritajiet nazzjonali dwar materji fl-oqsma ta' kompetenza tiegħu.

Artikolu 5

Ġbir ta' informazzjoni statistika

1.   Sabiex iwettaq il-kompiti tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali, l-Bank Ċentrali Ewropew, assistit mill-banek ċentrali nazzjonali, għandu jiġbor l-informazzjoni statistika meħtieġa jew mingħand l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew direttament mingħand operaturi ekonomiċi. Għal dawn il-finijiet għandu jikkopera ma' l-istituzzjonijiet, il-korpi jew l-aġenziji ta' l-Unjoni, u ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri jew ma' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali.

2.   Il-banek ċentrali nazzjonali għandhom iwettqu, sa fejn ikunu jistgħu, l-kompiti previsti fil-paragrafu 1.

3.   Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jippromwovi l-armonizzazzjoni, fejn ikun meħtieġ, tan-normi u l-prattiċi li jirregolaw il-ġabra, l-kumpilazzjoni u d-distribuzzjoni ta' l-istatistika fl-oqsma ta' kompetenza tiegħu.

4.   Il-Kunsill, skond il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 41, għandu jiddefinixxi l-persuni fiżiċi u ġuridiċi li għandhom l-obbligu li jirrapportaw, ir-regoli ta' kunfidenzjalità u d-disposizzjonijiet adattati biex jinforza l-eżekuzzjoni.

Artikolu 6

Koperazzjoni internazzjonali

1.   Fil-qasam tal-koperazzjoni internazzjonali li tinvolvi l-kompiti fdati f'idejn is-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali, l-Bank Ċentrali Ewropew għandu jiddeciedi kif is-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali għandha tkun irrappreżentata.

2.   Il-Bank Ċentrali Ewropew u, bl-approvazzjoni tiegħu, l-banek ċentrali nazzjonali, jistgħu jipparteċipaw f'istituzzjonijiet monetarji internazzjonali.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 japplikaw, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu III-196 tal-Kostituzzjoni.

KAPITOLU III

ORGANIZZAZZJONI TAS-SISTEMA EWROPEA TA' BANEK ĊENTRALI

Artikolu 7

Indipendenza

Skond l-Artikolu III-188 tal-Kostituzzjoni, meta jeżerċitaw il-poteri u jwettqu l-kompiti u jaqdu d-dmirijiet fdati f'idejhom mill-Kostituzzjoni u minn dan l-Istatut, la l-Bank Ċentrali Ewropew, la xi bank ċentrali nazzjonali, u lanqas xi membru tal-korpi deċiżjonali tagħhom, ma għandu jfittex jew jaċċetta struzzjonijiet minn istituzzjonijiet, korpi jew aġenziji ta' l-Unjoni, minn xi gvern ta' Stat Membru jew minn xi korp ieħor. L-istituzzjonijiet, il-korpi jew l-aġenziji ta' l-Unjoni u l-gvernijiet ta' l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom li jirrispettaw dan il-prinċipju u li ma jfittxux li jinfluwenzaw il-membri tal-korpi deċiżjonali tal-Bank Ċentrali Ewropew jew tal-banek ċentrali nazzjonali fit-twettiq tad-dmirijiet tagħħom.

Artikolu 8

Prinċipju ġenerali

Is-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali għandha tkun iggvernata mill-organi deċiżjonali tal-Bank Ċentrali Ewropew.

Artikolu 9

Il-Bank Ċentrali Ewropew

1.   Il-Bank Ċentrali Ewropew, li skond l-Artikolu I-30(3) tal-Kostituzzjoni għandu personalità ġuridika, jgawdi, f'kull wieħed mill-Istati Membri, l-kapaċità ġuridika l-iktar estensiva mogħtija lil persuni ġuridiċi taħt il-liġijiet tagħhom. Jista', b'mod partikolari, jakkwista jew jiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u jista' jkun parti fi proċedimenti legali.

2.   Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jassigura li l-kompiti mogħtija lis-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali taħt l-Artikolu III-185(2), (3) u (5) tal-Kostituzzjoni jiġu implimentati jew minnu stess skond dan l-Istatut jew mill-banek ċentrali nazzjonali skond l-Artikolu 12(1) u l-Artikolu 14.

3.   Skond l-Artikolu III-187(1) tal-Kostituzzjoni, l-korpi deċiżjonali tal-Bank Ċentrali Ewropew għandhom ikunu l-Kunsill Regolatorju u l-Bord Eżekuttiv.

Artikolu 10

Il-Kunsill Regolatorju

1.   Skond l-Artikolu III-382(1) tal-Kostituzzjoni, l-Kunsill Regolatorju għandu jkun kompost mill-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew u mill-Gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali ta' l-Istati Membri mingħajr deroga kif previst fl-Artikolu III-197 tal-Kostituzzjoni.

2.   Kull membru tal-Kunsill Regolatorju għandu jkollu vot wieħed. Mid-data meta n-numru tal-membri tal-Kunsill Regolatorju jaqbeż il-21, kull membru tal-Bord Eżekuttiv għandu jkollu vot wieħed u n-numru ta' gvernaturi bid-dritt tal-vot ikun 15. Dan id-dritt tal-vot għandu jiġi mogħti u jgħaddi b'rotazzjoni kif ġej:

a)

mid-data meta n-numru ta' gvernaturi jaqbeż il-15, sa ma jilħaq it-22, il-gvernaturi għandhom jiġu mdaħħla f'żewġ gruppi, skond il-grad tad-daqs tas-sehem ta' l-Istat Membru tal-bank ċentrali nazzjonali fil-prodott gross domestiku totali bil-prezzijiet tas-suq u fil-karta tal-bilanċ totali ta' l-istituti finanzjarji monetarji ta' l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. L-ishma fil-prodott gross domestiku totali bil-prezzijiet tas-suq u fil-karta tal-bilanċ totali ta' l-istituti finanzjarji monetarji għandhom jingħataw il-piż ta' 5/6 u 1/6 rispettivament. L-ewwel grupp għandu jkun kompost minn ħames gvernaturi u t-tieni grupp mill-gvernaturi l-oħra. Il-frekwenza tad-dritt tal-vot tal-gvernaturi allokati għall-ewwel grupp m'għandhiex tkun inqas mill-frekwenza tad-dritt tal-vot ta' dawk tat-tieni grupp. Bla ħsara għas-sentenza ta' qabel din, l-ewwel grupp għandu jiġi assenjat erba' voti u t-tieni grupp ħdax-il vot;

b)

mid-data meta n-numru ta' gvernaturi jilħaq 22, il-gvernaturi għandhom jiġu allokati għal tliet gruppi skond il-grad bażat fuq il-kriterji stabbiliti fil-punt (a). L-ewwel grupp għandu jkun kompost minn ħames gvernaturi u għandu jkollu erba' voti. It-tieni grupp għandu jkun kompost minn nofs it-total ta' gvernaturi, u kull frazzjoni għandha tiġi mqarrba ma' l-ogħla numru sħiħ li jmiss, u dan il-grupp għandu jkollu tmien voti. It-tielet grupp għandu jkun kompost mill-gvernaturi l-oħra u għandu jkollu tliet voti;

ċ)

f'kull grupp, il-gvernaturi għandu jkollhom id-dritt tal-vot għall-istess tul ta' żmien;

d)

għall-kalkolu ta' l-isħma fil-prodott gross domestiku totali bil-prezzijiet tas-suq għandu japplika l-Artikolu 29(2). Il-karta tal-bilanċ totali ta' l-istituzzjonijiet monetarji u finanzjarji għandha tiġi kkalkolata skond il-qafas statistiku applikat fl-Unjoni meta jsir il-kalkolu;

e)

kull meta l-prodott gross domestiku totali bil-prezzijiet tas-suq jiġi aġġustat skond l-Artikolu 29(3), jew kull meta jiżdied in-numru tal-gvernaturi, d-daqs u/jew il-komposizzjoni tal-gruppi għandu jiġi aġġustat skond il-prinċipji stabbiliti f'dan il-paragrafu;

f)

il-Kunsill Regolatorju, li jaġixxi b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri kollha tiegħu, kemm dawk li għandhom kif ukoll dawk li m'għandhomx id-dritt tal-vot, għandu jieħu l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-prinċipji stabbiliti f'dan il-paragrafu u jista' jiddeċiedi li jiddifferixxi l-bidu tas-sistema tar-rotazzjoni sad-data meta n-numru tal-gvernaturi jaqbeż it-18.

Il-dritt tal-vot għandu jiġi eżerċitat in persona. B'deroga minn din ir-regola, r-Regoli ta' Proċedura previsti fl-Artikolu 12(3) jistgħu jistabbilixxu li l-membri tal-Kunsill Regolatorju jistgħu jagħtu l-vot tagħhom permezz ta' telekonferenza. Dawn ir-regoli għandhom jipprovdu wkoll li membru tal-Kunsill Regolatorju li ma jkunx jista' jattendi l-laqgħat tal-Kunsill Regolatorju għal żmien twil ikun jista' jaħtar persuna oħra minfloku bħala membru tal-Kunsill Regolatorju.

Id-disposizzjonijiet tal-paragrafi (1) u (2) ta' qabel dan ma jippreġudikawx id-drittijiet tal-vot tal-membri kollha tal-Kunsill Regolatorju, kemm dawk li għandhom kif ukoll dawk li m'għandhomx id-dritt tal-vot, taħt il-paragrafu 3, u l-Artikolu 40(2) u (3). Salv meta provdut mod ieħor f'dan l-Istatut, il-Kunsill Regolatorju għandu jaġixxi b'maġġoranza sempliċi tal-membri li għandhom id-dritt tal-vot. Jekk il-voti jirriżultaw indaqs, il-President ikollu l-vot deċiżiv.

Biex jittieħed il-vot fil-Kunsill Regolatorju għandu jkun hemm quorum ta' żewġ terzi tal-membri li għandhom id-dritt tal-vot. Jekk dan il-quorum ma jintlaħaqx, il-President jista' jlaqqa' seduta straordinarja li fiha jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet mingħajr il-ħtieġa ta' quorum.

3.   Biex tittieħed kull deċiżjoni skond l-Artikoli 28, 29, 30, 32, 33 u 49, il-voti fil-Kunsill Regolatorju għandhom jiġu peżati skond kemm ikollhom ishma l-banek ċentrali nazzjonali fil-kapital sottoskritt tal-Bank Ċentrali Ewropew. Il-piż tal-voti tal-membri tal-Bord Eżekuttiv għandu jkun żero. Deċiżjoni li teħtieg maġġoranza kwalifikata għandha tiġi adottata jekk il-voti favur jirrappreżentaw mill-anqas żewġ terzi tal-kapital sottoskritt tal-Bank Ċentrali Ewropew u jirrappreżentaw mill-anqas nofs l-azzjonisti. Jekk Gvernatur ma jkunx jista' jattendi, hu jista' jaħtar supplent biex jagħti l-vot peżat minfloku.

4.   Il-proċeduri tal-laqgħat għandhom ikunu kunfidenzjali. Il-Kunsill Regolatorju jista' jiddeċiedi li jippubblika r-riżultat tad-deliberazzjonijiet tiegħu.

5.   Il-Kunsill Regolatorju għandu jiltaqa' mill-anqas 10 darbiet fis-sena.

Artikolu 11

Il-Bord Eżekuttiv

1.   Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu III-382(2) tal-Kostituzzjoni, l-Bord Eżekuttiv għandu jkun magħmul mill-President, il-Viċi-President u erba' membri oħra.

Il-membri għandhom jiddedikaw il-ħin tagħhom esklużivament għal dmirjiethom. L-ebda membru ma jista' jimpenja ruħu f'xi impjieg ieħor, sew bi ħlas sew bla ħlas, sakemm ma tkunx ingħatat eċċezzjonalment eżenzjoni mill-Kunsill Regolatorju.

2.   Skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu III-382(2) tal-Kostituzzjoni, l-President, il-Viċi-President u l-Membri l-oħra tal-Bord Eżekuttiv għandhom jinħatru mill-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill u wara li jkun ikkonsulta l-Parlament Ewropew u l-Kunsill Regolatorju, minn fost persuni ta' awtorità u ta' esperjenza professjonali rikonoxxuta f'materji monetarji jew bankarji.

Il-mandat tagħhom għandu jkun għal tmien snin u ma jistax jiġġedded.

Ċittadini ta' Stati Membri biss jistgħu jkunu membri tal-Bord Eżekuttiv.

3.   Il-modalitajiet u l-kondizzjonijiet ta' l-impjieg tal-membri tal-Bord Eżekuttiv, u b'mod partikolari s-salarji, l-pensjonijiet u benefiċċji oħra tas-sigurtà soċjali tagħhom, għandhom isiru b'kuntratt mal-Bank Ċentrali Ewropew u għandhom jiġu stabbiliti mill-Kunsill Regolatorju fuq proposta ta' Kumitat li jkun fih tliet membri maħtura mill-Kunsill Regolatorju u tliet membri maħtura mill-Kunsill. Il-membri tal-Bord Eżekuttiv m' għandhomx id-dritt tal-vot fuq kwistjonijiet previsti f'dan il-paragrafu.

4.   Jekk membru tal-Bord Eżekuttiv ma jibqax jissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-qadi ta' dmirijietu jew ġieb ruħu ħażin b'mod serju, l-Qorti tal-Ġustizzja tista', wara rikors tal-Kunsill Regolatorju jew tal-Bord Eżekuttiv, iġġiegħlu jirtira.

5.   Kull membru tal-Bord Eżekuttiv li jkun preżenti personalment għandu jkollu d-dritt tal-vot u jkollu għal dan l-iskop, vot wieħed. Salv kif provdut xort'oħra, l-Bord Eżekuttiv għandu jaġixxi b'maġġoranza sempliċi tal-voti. Jekk il-voti jirriżultaw indaqs, il-President għandu jkollu l-vot deċiżiv. L-arranġamenti għall-votazzjoni għandhom ikunu speċifikati fir-Regoli tal-Proċedura previsti fl-Artikolu 12(3).

6.   Il-Bord Eżekuttiv għandu jkun responsabbli għall-amministrazzjoni kurrenti tal-Bank Ċentrali Ewropew.

7.   Kull post vakanti fil-Bord Eżekuttiv għandu jimtela bil-ħatra ta' membru ġdid skond il-paragrafu 2.

Artikolu 12

Responsabbiltajiet tal-korpi deċiżjonali

1.   Il-Kunsill Regolatorju għandu jadotta l-linji gwida u jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex jiżgura t-twettiq tal-kompiti fdati f'idejn is-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali taħt il-Kostituzzjoni u dan l-Istatut. Il-Kunsill Regolatorju għandu jifformula l-politika monetarja ta' l-Unjoni li tinkludi, kif xieraq, deċiżjonijiet marbutin ma' miri monetarji intermedji, rati indikattivi ta' imgħax u l-fornitura ta' riservi fis-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali, u għandu jistabbilixxi l-linji gwida meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħhom.

Il-Bord Eżekuttiv għandu jimplimenta l-politika monetarja skond il-linji gwida u d-deċiżjonijiet stabbiliti mill-Kunsill Regolatorju. Waqt li jagħmel dan, il-Bord Eżekuttiv għandu jagħti l-istruzzjonijiet meħtieġa lill-banek ċentrali nazzjonali. Barra minn hekk, il-Bord Eżekuttiv jista' jkollu ċerti poteri delegati lilu meta l-Kunsill Regolatorju hekk jiddeċiedi.

Sa fejn huwa meqjus possibbli u xieraq, u mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta' dan l-Artikolu, l-Bank Ċentrali Ewropew għandu jirrikorri għand il-banek ċentrali nazzjonali biex iwettaq operazzjonijiet li jagħmlu parti mill-kompiti tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali.

2.   Il-Bord Eżekuttiv għandu r-responsabbiltà li jipprepara laqgħat tal-Kunsill Regolatorju.

3.   Il-Kunsill Regolatorju għandu jadotta Regoli ta' Proċedura li jistabbilixxu l-organizzazzjoni interna tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-korpi deċiżjonali tiegħu.

4.   Il-Kunsill Regolatorju għandu jeżerċita l-funzjonijiet ta' konsulenza previsti fl-Artikolu 4.

5.   Il-Kunsill Regolatorju għandu jieħu d-deċiżjonijiet previsti fl-Artikolu 6.

Artikolu 13

Il-President

1.   Il-President jew, fl-assenza tiegħu, l-Viċi-President għandu jippresiedi l-Kunsill Regolatorju u l-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 38, il-President jew il-persuna nominata minnu, għandu jirrappreżenta lill-Bank Ċentrali Ewropew esternament.

Artikolu 14

Banek ċentrali nazzjonali

1.   Skond l-Artikolu III-189 tal-Kostituzzjoni, kull Stat Membru għandu jiżgura li l-leġislazzjoni nazzjonali tiegħu, inklużi l-istatuti tal-bank ċentrali nazzjonali tiegħu, jkunu kompatibbli mal-Kostituzzjoni u ma' dan l-Istatut.

2.   L-istatuti tal-banek ċentrali nazzjonali għandhom, b'mod partikolari, jipprovdu li l-mandat ta' Gvernatur ta' bank ċentrali nazzjonali ma jkunx inqas minn ħames snin.

Gvernatur jista' biss jitneħħa mill-kariga tiegħu jekk ma jibqax jissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-qadi ta' dmirijietu jew inkella jekk ikun ġieb ruħu ħażin b'mod serju. Jista' jsir rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, mill-Gvernatur involut jew mill-Kunsill Regolatorju, għal ksur tal-Kostituzzjoni jew ta' xi regola tal-liġi marbuta ma' l-applikazzjoni tagħha. Dawn il-proċeduri għandhom jiġu istitwiti fi żmien xahrejn mill-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni jew min-notifika tagħha lir-rikorrent jew, fin-nuqqas ta' dawn, mill-jum meta r-rikorrent ikun sar jaf biha, skond ma jkun il-każ.

3.   Il-banek ċentrali nazzjonali huma parti integrali mis-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u għandhom jaġixxu skond il-linji gwida u l-istruzzjonijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew. Il-Kunsill Regolatorju għandu jieħu l-passi meħtieġa biex jiżgura l-osservanza tal-linji gwida u l-istruzzjonijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew, u għandu jesiġi li jingħata kull informazzjoni meħtieġa.

4.   Il-banek ċentrali nazzjonali jistgħu jwettqu funzjonijiet oħra li ma jkunux dawk indikati f'dan l-Istatut, kemm-il darba l-Kunsill Regolatorju ma jiddeċidiex, b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-voti mitfugħa, li dawn ifixklu l-miri u l-kompiti tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali. Dawn il-funzjonijiet għandhom jitwettqu taħt ir-responsabbiltà u għar-riskju tal-banek ċentrali nazzjonali u m'għandhomx jitqiesu bħala parti mill-funzjonijiet tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali.

Artikolu 15

Obbligu ta' preżentazzjoni ta' rapporti

1.   Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jfassal u jippubblika rapporti dwar l-attivitajiet tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali għall-inqas kull tliet xhur.

2.   Dikjarazzjoni finanzjarja konsolidata tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali għandha tiġi ppubblikata kull ġimgħa.

3.   Skond l-Artikolu III-383(3) tal-Kostituzzjoni, l-Bank Ċentrali Ewropew għandu jibgħat rapport annwali dwar l-attivitajiet tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u dwar il-politika monetarja kemm tas-sena preċedenti kif ukoll dik kurrenti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

4.   Ir-rapporti u dikjarazzjonijiet previsti f'dan l-Artikolu għandhom ikunu disponibbli għall-partijiet interessati mingħajr ħlas.

Artikolu 16

Karti tal-flus

Skond l-Artikolu III-186(1) tal-Kostituzzjoni, l-Kunsill Regolatorju għandu jkollu d-dritt esklużiv li jawtorizza l-ħruġ ta' karti tal-flus tal-euro fi ħdan l-Unjoni. Il Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu joħorġu dawn il-karti. Il-karti tal-flus maħruġa mill-Bank Ċentrali Ewropew u mill-banek ċentrali nazzjonali għandhom ikunu l-uniċi karti tal-flus bi status ta' valuta legali fi ħdan l-Unjoni.

Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jirrispetta kemm jista' jkun kull prattika eżistenti fejn għandhom x'jaqsmu l-ħruġ u d-disinn ta' karti tal-flus.

KAPITOLU IV

FUNZJONIJIET MONETARJI U OPERAZZJONIJIET TAS-SISTEMA EWROPEA TA' BANEK ĊENTRALI

Artikolu 17

Kontijiet mal-Bank Ċentrali Ewropew u mal-Banek Centrali Nazzjonali

Sabiex iwettqu l-operat tagħhom, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu jiftħu kontijiet lil istituzzjonijiet ta' kreditu, entitajiet pubbliċi u parteċipanti oħra fis-suq u jaċċettaw assi, inklużi titoli mniżżla fil-kotba bħala garanzija.

Artikolu 18

Suq miftuħ u Operazzjonijiet ta' kreditu

1.   Sabiex jintlaħqu l-għanijiet tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u biex iwettqu l-kompiti tagħhom, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu:

a)

joperaw fis-swieq finanzjarji billi jixtru u jbiegħu fil-mument (spot u forward) jew taħt ftehim ta' rkupru u b'titoli ta' kreditu jew self, u li jkunu trasferibbli sew jekk fil-euro u sew f'muniti oħrajn, kif ukoll f'metalli prezzjużi;

b)

imexxu operazzjonijiet ta' kreditu ma' istituzzjonijiet ta' kreditu u parteċipanti oħra fis-suq, meta is-self ikun ibbażat fuq garanziji adegwati.

2.   Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali għal operazzjonijiet tas-suq miftuħ u ta' kreditu li jitwettqu minnu stess jew mill-banek ċentrali nazzjonali, inkluż il-mod kif jitħabbru l-kondizzjonijiet li taħthom dawn jkunu lesti li jidħlu f'negozji bħal dawn.

Artikolu 19

Riżervi minimi

1.   Salv l-Artikolu 2, il-Bank Ċentrali Ewropew jista', biex jimxi mal-miri ta' linji politiċi monetarji, jeżiġi mingħand l-istituzzjonijiet ta' kreditu stabbiliti fl-Istati Membri illi jkollhom minimu ta' riżerva fil-kontijiet tagħhom mal-Bank Ċentrali Ewropew u mal-banek ċentrali nazzjonali. Regoli dettaljati dwar il-metodi tal-kalkolu u d-determinazzjoni ta' l-ammont meħtieġ jistgħu jkunu stabbiliti mill-Kunsill Regolatorju. F'każijiet ta' inadempjenza, l-Bank Ċentrali Ewropew għandu l-jedd li jiġbor imgħax li jkun impost bħala piena u li jimponi sanzjonijiet oħra li jkollhom effett paragunabbli.

2.   Biex jiġi applikat dan l-Artikolu, l-Kunsill għandu, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 41, jiddefinixxi l-bażi għar-riżervi minimi u l-ogħla proporzjonijiet permissibbli bejn dawk ir-riżervi u l-bażi tagħhom, kif ukoll is-sanzjonijiet xierqa f'każijiet ta' inadempjenza.

Artikolu 20

Strumenti oħra ta' kontroll monetarju

Il-Kunsill Regolatorju jista', b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-voti mitfugħa, jiddeċiedi fuq l-użu ta' metodi oħra ta' kontroll monetarju kif iqis xieraq, skond l-Artikolu 2.

Il-Kunsill għandu, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 41, jiddefinixxi l-limiti sa fejn dawk il-metodi jimponu obbligi fuq terzi.

Artikolu 21

Operazzjonijiet ma' entitajiet pubbliċi

1.   Skond l-Artikolu III-181 tal-Kostituzzjoni, overdrafts jew tipi oħra ta' faċilità ta' kreditu mal-Bank Ċentrali Ewropew jew mal-banek ċentrali nazzjonali favur l-istituzzjonijiet, il-korpi jew l-aġenziji ta' l-Unjoni, gvernijiet ċentrali, awtoritajiet reġjonali, lokali jew pubbliċi oħra, korpi oħra rregolati bil-liġi amministrattiva, jew intrapriżi pubbliċi fi Stati Membri huma pprojbiti. Ix-xiri dirett ta' strumenti ta' kreditu mingħandhom mill-Bank Ċentrali Ewropew jew mill-banek ċentrali nazzjonali huwa wkoll pprojbit.

2.   Il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu jagħmluha ta' aġenti fiskali għall-entitajiet previsti fil-paragrafu 1.

3.   Il-disposizzjonijiet ta' dan l-Artikolu ma għandhomx japplikaw għal istituzzjonijiet ta' kreditu ta' proprjetà pubblika li, fil-kuntest tal-provvista ta' riżervi mill-banek ċentrali, għandhom jingħataw l-istess trattament mill-banek ċentrali nazzjonali u l-Bank Ċentrali Ewropew li jingħata lill-istituzzjonijiet ta' kreditu privati.

Artikolu 22

Sistemi ta' kumpensazzjoni u pagament

Il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek centrali nazzjonali jistgħu jipprovdu faċilitajiet, u l-Bank Ċentrali Ewropew jista' jagħmel regolamenti, biex jiżgura li s-sistemi ta' kumpensazzjoni u pagament fi ħdan l-Unjoni u ma' pajjizi oħra jkunu effiċjenti u sodi.

Artikolu 23

Operazzjonijiet esterni

Il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu:

a)

jistabbilixxu relazzjonijiet ma' banek ċentrali u istituzzjonijiet finanzjarji f'pajjiżi oħra u, fejn ikun xieraq, ma' organizzazzjonijiet internazzjonali;

b)

jakkwistaw u jbiegħu spot u forward kull tip ta' attiv ta' munita estera u metalli prezzjużi; il-frażi “attiv ta' munita estera” għandha tinkludi kull titolu u attiv ieħor fil-munita ta' kull pajjiż jew unitajiet ta' kontijiet u tkun xi tkun il-forma tagħhom;

ċ)

jżommu in depożitu u jamministraw l-attiv previst f'dan l-Artikolu;

d)

jagħmlu kull tip ta' transazzjoni bankarja f'relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, inklużi operazzjonijiet ta' self u prestiti.

Artikolu 24

Operazzjonijiet oħra

Minbarra l-operazzjonijiet li joriġinaw mill-kompiti tagħhom, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali, jistgħu jidħlu f'operazzjonijiet li jkollhom skopijiet amministrattivi għalihom jew għall-ħaddiema tagħhom.

KAPITOLU V

SORVELJANZA PRUDENZJALI

Artikolu 25

Sorveljanza prudenzjali

1.   Il-Bank Ċentrali Ewropew jista' joffri parir lil u jiġi kkonsultat mill-Kunsill, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri dwar il-kamp ta' l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta' atti li jorbtu legalment ta' l-Unjoni, li jirrigwardaw is-sorveljanza prudenzjali ta' l-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.

2.   Skond kull liġi Ewropea adottata taħt l-Artikolu III-185(6) tal-Kostituzzjoni, l-Bank Ċentrali Ewropew jista' jwettaq kompiti speċifiċi dwar linji politiċi li jirrigwardaw s-sorveljanza prudenzjali ta' l-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji oħra, barra minn kumpanniji ta' l-assigurazzjoni.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI TAS-SISTEMA EWROPEA TA' BANEK ĊENTRALI

Artikolu 26

Kontabilità finanzjarja

1.   Is-sena finanzjarja tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-banek ċentrali nazzjonali tibda fl-ewwel jum ta' Jannar u tispiċċa fl-aħħar jum ta' Diċembru.

2.   Il-kontijiet annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew għandhom jitlestew mill-Bord Eżekuttiv, skond il-prinċipji stabbiliti mill-Kunsill Regolatorju. Il-kontijiet għandhom jiġu approvati mill-Kunsill Regolatorju u għandhom wara dan jiġu ppubblikati.

3.   Għall-finijiet analitiċi u operattivi, l-Bord Eżekuttiv għandu jlesti balance sheet ikkonsolidata tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali, li tinkludi dak l-attiv u l-passiv tal-banek ċentrali nazzjonali li jaqgħu taħt is-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali.

4.   Sabiex jiġi applikat dan l-Artikolu, l-Kunsill Regolatorju għandu jistabbilixxi r-regoli neċessarji biex jiġu standardizzati l-kontijiet u r-rapporti ta' operazzjonijiet li jsiru mill-banek ċentrali nazzjonali.

Artikolu 27

Verifika

1.   Il-kontijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-banek ċentrali nazzjonali għandhom jiġu verifikati minn awdituri esterni indipendenti rakkomandati mill-Kunsill Regolatorju u approvati mill-Kunsill. L-awdituri għandu jkollhom kull setgħa li jeżaminaw il-kotba u l-kontijiet kollha tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-banek ċentrali nazzjonali u li jiksbu kull informazzjoni dwar it-transazzjonijiet tagħhom.

2.   L-Artikolu III-384 tal-Kostituzzjoni għandhom japplikaw biss għal eżami ta' l-effiċjenza operattiva tat-tmexxija tal-Bank Ċentrali Ewropew.

Artikolu 28

Kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew

1.   Il-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew, għandu jkun ta' 5000 miljun euro. Il-kapital jista' jiżdied b'dawk l-ammonti li jistgħu jiġu stabbiliti b'deċiżjoni Ewropea tal-Kunsill Regolatorju waqt li jaġixxi bil-maġġoranza kwalifikata prevista fl-Artikolu 10(3), fil-limiti u skond il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 41.

2.   Il-banek ċentrali nazzjonali għandhom ikunu l-uniċi sottoskriventi u detenturi tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew. Is-sottoskrizzjoni fil-kapital għandha ssir skond il-kjavi indikata fl-Artikolu 29.

3.   Il-Kunsill Regolatorju, li jaġixxi bil-maġġoranza kwalifikata skond l-Artikolu 10(3), għandu jiddeċiedi l-ammont tal-kapital li jiġi sottoskritt u l-modalità tal-ħlas.

4.   Bla ħsara għall-paragrafu (5), l-ishma tal-banek ċentrali nazzjonali fil-kapital sottoskritt tal-Bank Ċentrali Ewropew ma jistgħux jiġu trasferiti, mirhuna jew issekwestrati.

5.   Jekk il-kjavi prevista fl-Artikolu 29 tiġi aġġustata, l-banek ċentrali nazzjonali għandhom jittrasferixxu bejniethom l-ishma mill-kapital sal-limitu meħtieġ biex jiġi żgurat li d-distribuzzjoni ta' l-ishma tal-kapital tkun tikkorrispondi mal-kjavi aġġustata. Il-Kunsill Regolatorju għandu jiddeċiedi l-modalitajiet u l-kondizzjonijiet ta' dawk it-trasferimenti.

Artikolu 29

Kjavi għas-sottoskrizzjoni fil-kapital

1.   Il-kjavi għas-sottoskrizzjoni fil-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew, iffissata għall-ewwel darba fl-1998 meta s-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali ġiet stabbilita, għandha tiġi determinata billi kull bank ċentrali nazzjonali jingħata piż f'din il-kjavi ekwivalenti għas-somma ta':

50 % bħala s-sehem tal-popolazzjoni li kellu l-Istat Membru partikolari bħala parti mill-popolazzjoni ta' l-Unjoni fis-sena preċedenti għal dik meta ġiet stabbilita s-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali;

50 % bħala s-sehem tal-prodott gross domestiku ta' l-Istat Membru partikolari bħala parti mill-prodott gross domestiku ta' l-Unjoni skond il-prezzijiet fis-suq kif kienu ġew reġistrati matul l-aħħar ħames snin li ppreċedew is-sena ta' qabel dik meta ġiet stabbilita s-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali.

Il-perċentwali tiġi mqarrba mal-multiplu ta' 0.0001 % li jmiss 'l fuq jew l-isfel.

2.   L-informazzjoni statistika li għandha tintuża fl-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu għandha tiġi pprovduta mill-Kummissjoni skond ir-regoli stabbiliti mill-Kunsill skond l-Artikolu 41.

3.   Il-piżijiet assenjati lill-banek ċentrali nazzjonali għandhom jiġu aġġustati kull ħames snin wara l-istabbiliment tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali, b'analoġija mal-paragrafu 1. Il-kjavi kif aġġustata għandha tibda tapplika mill-ewwel ġurnata tas-sena ta' wara.

4.   Il-Kunsill Regolatorju għandu jieħu kull miżura oħra meħtieġa biex dan l-Artikolu jkun jista' jiġi applikat.

Artikolu 30

Trasferiment ta' attiv ta' riżervi barranin lill-Bank Ċentrali Ewropew

1.   Salv l-Artikolu 28, il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jiġi pprovdut mill-banek ċentrali nazzjonali b'attiv ta' riżerva barranija, bl-esklużjoni ta' muniti ta' l-Istati Membri, tal-euro, tal-posizzjonijiet ta' riżerva fil-Fond Monetarju Internazzjonali u tad-drittijiet speċjali ta' preljev, sa ammont ekwivalenti għal 50 000 miljun euro. Il-Kunsill Regolatorju għandu jiddeċiedi dwar il-proporzjon li jrid jiġi miġbur mill-Bank Ċentrali Ewropew. Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jkollu kull dritt li jżomm in depożitu r-riżervi barranin li jiġu ttrasferiti lilu kif ukoll li jużahom għall-bżonnijiet stabbiliti f'dan l-Istatut.

2.   Il-kontribuzzjonijiet ta' kull bank ċentrali nazzjonali għandhom jiġu ffissati skond il-proporzjon tas-sehem tiegħu fil-kapital sottoskritt tal-Bank Ċentrali Ewropew.

3.   Kull bank ċentrali nazzjonali għandu jiġi akkreditat mill-Bank Ċentrali Ewropew bi dritt ta' preljev ekwivalenti għall-kontribuzzjoni tiegħu. Il-Kunsill Regolatorju għandu jiddeċiedi d-denominazzjoni u l-ħlas mad-dritt tal-preljev.

4.   Il- Bank Ċentrali Ewropew jista' jagħmel talbiet supplimentari għall-attiv ta' riżervi barranin skond il-paragrafu 2, lil hinn mill-limitu stabbilit fil-paragrafu 1, bil-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill u skond il-proċeduri indikati fl-Artikolu 41.

5.   Il-Bank Ċentrali Ewropew jista' jżomm u jamministra posizzjonijiet ta' riżerva tal-Fond Monetarju Internazzjonali u drittijiet speċjali ta' preljev u jilqa' t-talba illi dawn jitqiegħdu fil-fond komuni.

6.   Il-Kunsill Regolatorju għandu jieħu kull miżura oħra meħtieġa biex dan l-Artikolu jkun jista' jiġi applikat.

Artikolu 31

Attiv ta' riservi barranin miżmuma mill-banek ċentrali nazzjonali

1.   Il-banek ċentrali nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jagħmlu negozji biex iwettqu l-obbligi tagħhom lejn organizzazzjonijiet internazzjonali skond l-Artikolu 23.

2.   L-operazzjonijiet l-oħra kollha f'attiv ta' riżervi barranin li jibqgħu għand il-banek ċentrali nazzjonali wara t-trasferimenti previsti fl-Artikolu 30, u n-negozji ta' l-Istati Membri bil-bilanċi bankarji tagħhom fir-rati tal-kambju għandhom, meta jaqbżu ċertu limitu li jkun definit fil-parametri tal-paragrafu 3, ikunu suġġetti għall-approvazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew, u dan sabiex tiġi żgurata koerenza mar-rati tal-kambju u l-linji politiċi monetarji u ta' l-Unjoni.

3.   Il-Kusill Regolatorju għandu jippubblika linji ta' gwida bl-iskop li jiffaċilita n-negozji bħal dawk.

Artikolu 32

Allokazzjoni ta' l-introjtu monetarju tal-banek ċentrali nazzjonali

1.   L-introjtu li jakkumula għad-disposizzjoni tal-banek ċentrali nazzjonali fit-twettiq tal-funzjoni tal-politika monetarja tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (iżjed 'il quddiem imsejjaħ bħala “introjtu monetarju”) għandu jiġi allokat fl-aħħar ta' kull sena finanzjarja skond id-disposizzjonijiet ta' dan l-Artikolu.

2.   L-ammont ta' l-introjtu monetarju ta' kull bank ċentrali nazzjonali għandu jkun daqs l-introjtu annwali tiegħu derivat mill-attiv tiegħu kontra l-flus fiċ-ċirkulazzjoni u l-passiv fid-depożiti għal istituzzjonijiet ta' kreditu. Dan l-attiv għandu jiġi riżervat mill-banek ċentrali nazzjonali skond linji ta' gwida li għandhom jiġu stabbiliti mill-Kunsill Regolatorju.

3.   Jekk, wara l-bidu tat-tielet stadju, l-istruttura tal-karta tal-bilanċ tal-banek ċentrali nazzjonali, fil-fehma tal-Kunsill Regolatorju, ma tippermettix l-applikazzjoni tal-paragrafu 2, il-Kunsill Regolatorju, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jista' jiddeċiedi li, b'deroga mill-paragrafu 2, l-introjtu monetarju jrid jiġi kkalkolat skond metodu alternattiv għal perjodu ta' mhux aktar minn ħames snin.

4.   L-ammont ta' l-introjtu monetarju ta' kull bank ċentrali nazzjonali għandu jiġi mnaqqas b'ammont ekwivalenti għal kull imgħax imħallas minn dak il-bank ċentrali fuq il-passiv fid-depożitu tiegħu f'istituzzjonijiet ta' kreditu skond l-Artikolu 19.

Il-Kunsill Regolatorju jista' jiddeċiedi li l-banek ċentrali nazzjonali għandhom jingħataw indennizz għal kull ħlas li jkunu għamlu in konnessjoni mall-ħruġ tal-karti tal-flus jew f'ċirkostanzi eċċezzjonali għal kull telf speċifiku li joriġina mill-operazzjonijiet ta' politika monetarja magħmula għas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali. L-indennizz għandu jkun f'dik il-forma li tidher xierqa fil-fehma tal-Kunsill Regolatorju. Dawn l-ammonti jistgħu jiġu paċuti kontra l-introjtu monetarju tal-banek ċentrali monetarji.

5.   Is-somma ta' l-introjtu monetarju tal-banek ċentrali nazzjonali għandha tiġi allokata lill-banek ċentrali nazzjonali fi proporzjon ma' l-ishma mħallsa fil-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew, salv kull deċiżjoni meħuda mill-Kunsill Regolatorju skond l-Artikolu 33(2).

6.   It-tpaċija u s-saldu tal-bilanċi li joħorġu mill-allokazzjoni ta' dħul monetarju għandhom isiru mill-Bank Ċentrali Ewropew skond il-linji ta' gwida stabbiliti mill-Kunsill Regolatorju.

7.   Il-Kunsill Regolatorju għandu jieħu kull miżura oħra meħtieġa biex dan l-Artikolu jkun jista' jiġi applikat.

Artikolu 33

Allokazzjoni ta' profitt u telf nett tal-Bank Ċentrali Ewropew

1.   Il-profitt nett tal-Bank Ċentrali Ewropew għandu jiġi trasferit f'din l-ordni li ġejja:

a)

ammont li jiġi stabbilit mill-Kunsill Regolatorju, li ma jistax jaqbeż l-20 % tal-profitt nett, għandu jiġi trasferit fil-fond ta' riżerva ġenerali sal-limitu ekwivalenti ta' 100 % tal-kapital;

b)

il-bqija tal-profitt nett għandu jitqassam bejn l-azzjonisti tal-Bank Ċentrali Ewropew fi proporzjon għall-ishma tagħhom imħallsa.

2.   Jekk il-Bank Ċentrali Ewropew, jirreġistra telf dan jista' jiġi kopert mill-fond ta' riżerva ġenerali tal-Bank Ċentrali Ewropew u, jekk ikun meħtieġ, wara deċiżjoni meħuda mill-Kunsill Regolatorju, jitħallas mill-introjtu monetarju tas-sena finanzjarja konċernata fi proporzjon u sa l-ammonti allokati lill-banek ċentrali nazzjonali skond l-Artikolu 32(5).

KAPITOLU VII

DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 34

Atti Ġuridiċi

1.   Skond l-Artikolu III-190 tal-Kostituzzjoni, l-Bank Ċentrali Ewropew għandu jadotta:

a)

Regolamenti Ewropej sa fejn ikun neċessarju biex jiġu implimentati l-kompiti definiti fl-Artikolu 3(1), il-punt (a), l-Artikolu 19(1), l-Artikolu 22 jew l-Artikolu 25(2) ta' dan l-Istatut u f'każijiet li għandhom jiġu stabbiliti fir-regolamenti u d-deċiżjonijiet Ewropej previsti fl-Artikolu 41;

b)

d-deċiżjonijiet Ewropej neċessarji għat-twettiq tal-kompiti mogħtija lis-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali taħt il-Kostituzzjoni u dan l-Istatut;

ċ)

rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet.

2.   Il-Bank Ċentrali Ewropew jista' jiddeċiedi li jippubblika d-deċiżjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet Ewropej tiegħu.

3.   Fil-limitu u skond il-kondizzjonijiet adottati mill-Kunsill permezz tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 41, il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jkollu d-dritt li jimponi multi jew pagamenti penali perjodiċi fuq intrapriżi għal nuqqas ta' ħarsien ta' l-obbligi taħt ir-regolamenti u d-deċiżjonijiet Ewropej tiegħu.

Artikolu 35

Kontroll ġudizzjarju u materji li għandhom x'jaqsmu

1.   L-atti jew l-ommissjonijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew għandhom ikunu soġġetti għar-reviżjoni jew l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea fil-każijiet u skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Kostituzzjoni. Il-Bank Ċentrali Ewropew jista' jibda proċeduri fil-każijiet u skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Kostituzzjoni.

2.   Il-kwistjonijiet bejn il-Bank Ċentrali Ewropew min-naħa l-waħda, u l-kredituri jew id-debituri tiegħu jew kull persuna oħra, min-naħa l-oħra, għandhom ikunu deċiżi mill-qrati nazzjonali kompetenti, ħlief meta l-ġurisdizzjoni tkun ingħatat lill-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea.

3.   Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jkun suġġett għar-regoli dwar ir-responsabbiltà li hemm fl-Artikolu III-431 tal-Kostituzzjoni. Il-banek ċentrali nazzjonali għandhom ikunu responsabbli skond il-liġijiet nazzjonali rispettivi tagħhom.

4.   Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea għandha l-kompetenza li tagħti sentenza skond kwalunkwe klawżola ta' arbitraġġ f'kuntratt konkluż minn jew għan-nom tal-Bank Ċentrali Ewropew, kemm jekk dak il-kuntratt ikun irregolat bid-dritt pubbliku kemm bid-dritt privat.

5.   Id-deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew li jagħmel rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea għandha tittieħed mill-Kunsill Regolatorju.

6.   Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea għandha l-ġurisdizzjoni li tisma' u tiddeċiedi kawżi dwar it-twettiq minn xi bank ċentrali nazzjonali ta' l-obbligi taħt il-Kostituzzjoni u dan l-Istatut. Jekk il-Bank Ċentrali Ewropew jikkunsidra li bank ċentrali nazzjonali jkun naqas milli jissodisfa obbligu taħt il-Kostituzzjoni u dan l-Istatut, huwa għandu jagħti opinjoni motivata dwar il-kwistjoni wara li jagħti lill-bank ċentrali nazzjonali kkonċernat l-opportunità li jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu. Jekk il-bank ċentrali nazzjonali kkonċernat ma jħarisx l-opinjoni fil-perjodu stabbilit mill-Bank Ċentrali Ewropew, dan ta' l-aħħar jista' jġib il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 36

Persunal

1.   Il-Kunsill Regolatorju, fuq proposta mill-Bord Eżekuttiv, għandu jistabbilixxi l-kondizzjonijiet tax-xogħol tal-impjegati tal-Bank Ċentrali Ewropew.

2.   Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea għandu jkollha ġurisdizzjoni f'kull kwistjoni bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-impjegati tiegħu fil-limiti u skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-kondizzjonijiet tax-xogħol.

Artikolu 37

Sigriet professjonali

1.   Membri tal-korpi regolatorji u l-impjegati tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-banek ċentrali nazzjonali għandhom l-obbligu, anki wara li jkunu spiċċaw mill-funzjonijiet tagħhom, li ma jagħtux informazzjoni li tkun tax-xorta koperta bl-obbligu tas-sigriet professjonali.

2.   Il-persuni li għandhom aċċess għal informazzjoni koperta b'att ta' l-Unjoni li jorbot legalment li jimponi obbligu ta' segretezza għandhom ikunu suġġetti għal dak l-obbligu.

Artikolu 38

Firmatarji

Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jintrabat legalment ma' terzi, mill-President, jew minn żewġ membri tal-Bord Eżekuttiv jew bil-firem ta' żewġ membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew li jkunu ġew awtorizzati kif xieraq mill-President biex jiffirmaw f'isem il-Bank Ċentrali Ewropew.

Artikolu 39

Privileġġi u immunitajiet

Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jgawdi fit-territorji ta' l-Istati Membri dawk il-privileġġi u l-immunitajiet li huma neċessarji għat-twettiq tal-kompiti tiegħu, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-Protokoll dwar il-privileġgi u l-immunitajiet ta' l-Unjoni Ewropea.

KAPITOLU VIII

EMENDA TA' L-ISTATUT U REGOLI KOMPLIMENTARI

Artikolu 40

Proċeduri simplifikati għall-emendi

1.   Skond l-Artikolu III-187(5) tal-Kostituzzjoni, l-Artikolu 5(1), (2) u (3), l-Artikoli 17 u 18, l-Artikolu 19(1), 22, 23, 24 u 26, l-Artikolu 32(2), (3), (4) u (6), l-Artikolu 33(1)(a) u l-Artikolu 36 ta' dan l-Istatut jistgħu jiġu emendati b'liġi Ewropea:

a)

jew fuq proposta mill-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew;

b)

jew fuq rakkomandazzjoni mill-Bank Ċentrali Ewropew u wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni.

2.   L-Artikolu 10(2) jista' jiġi emendat b'deċiżjoni Ewropea tal-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b'mod unanimu, jew fuq rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni, jew fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u l-Bank Ċentrali Ewropew. Dawn l-emendi m'għandhomx jibdew iseħħu sakemm ma jkunux approvati mill-Istati Membri skond il-ħtiġiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom.

3.   Rakkomandazzjoni magħmula mill-Bank Ċentrali Ewropew taħt dan l-Artikolu għandha teħtieġ deċiżjoni unanima mill-Kunsill Regolatorju.

Artikolu 41

Regoli komplimentari

Skond l-Artikolu III-187(4) tal-Kostituzzjoni, l-Kunsill għandu jadotta regolamenti u deċiżjonijiet Ewropej li jistabbilixxu l-miżuri previsti fl-Artikolu 4, l-Artikolu 5(4), 19(2), l-Artikolu 20, l-Artikolu 28(1), l-Artikolu 29(2), l-Artikolu 30(4) u l-Artikolu 34(3) ta' dan l-Istatut. Għandu jaġixxi wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew:

a)

jew fuq proposta mill-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew;

b)

jew fuq rakkomandazzjoni mill-Bank Ċentrali Ewropew u wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea.

KAPITOLU IX

DISPOSIZZJONIJIET TRANSITORJI U OĦRAJN GĦAS-SISTEMA EWROPEA TA' BANEK ĊENTRALI

Artikolu 42

Disposizzjonijiet Ġenerali

1.   Deroga kif inhi prevista fl-Artikolu III-197(1) tal-Kostituzzjoni għandha tfisser li l-Artikoli li ġejjin f'dan l-Istatut ma għandhom jagħtu l-ebda dritt u lanqas ma jimponu xi obbligu fuq l-Istat Membru involut: l-Artikoli 3 u 6, l-Artikolu 9(2), l-Artikolu 12(1), l-Artikolu 14(3), l-Artikoli 16, 18, 19, 20, 22 u 23, l-Artikolu 26(2), l-Artikoli 27, 30, 31, 32, 33, 34 u 50.

2.   Il-banek ċentrali ta' l-Istati Membri b'deroga kif indikat fl-Artikolu III-197(1) tal-Kostituzzjoni jikkonservaw il-poteri tagħhom fil-qasam tal-politika monetarja skond il-liġi nazzjonali.

3.   Skond l-Artikolu III-197 (2), l-aħħar sub-paragrafu, tal-Kostituzzjoni, “Stati Membri” għandha tinftiehem bħala “Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro” fl-Artikolu 3, l-Artikolu 11(2) u l-Artikolu 19 ta' dan l-Istatut.

4.   Fl-Artikolu 9(2), l-Artikolu 10(2) u (3), l-Artikolu 12(1), l-Artikoli 16, 17, 18, 22, 23, 27, 30, 31 u 32, l-Artikolu 33(2) u l-Artikolu 50 ta' dan l-Istatut, “banek ċentrali nazzjonali” għandha tinftiehem bħala banek ċentrali ta' Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

5.   Fl-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 33(1), “l-azzjonisti” għandha tinftiehem bħala banek ċentrali nazzjonali ta' Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

6.   Fl-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 30(2), “kapital sottoskritt tal-Bank Ċentrali Ewropew” għandha tinftiehem bħala kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew sottoskritt mill-banek ċentrali nazzjonali ta' Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

Artikolu 43

Kompiti Transitorji tal-Bank Ċentrali Ewropew

Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jassumi l-funzjonijiet li kellu qabel l-Istitut Monetarju Ewropew previsti fl-Artikolu III-199(2) tal-Kostituzzjoni li, minħabba d-derogi ta' xi wieħed jew aktar mill-Istati Membri, jkunu għad iridu jiġu mwettqa wara l-introduzzjoni tal-euro.

Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jagħti pariri fil-preparattivi għall-abrogazzjoni tad-derogi indikati fl-Artikolu III-198 tal-Kostituzzjoni.

Artikolu 44

Il-Kunsill Ġenerali tal-Bank Ċentrali Ewropew

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu III-187(1) tal-Kostituzzjoni, l-Kunsill Ġenerali għandu jiġi kkostitwit bħala t-tielet korp deċiżjonjali tal-Bank Ċentrali Ewropew.

2.   Il-Kunsill Ġenerali għandu jkun magħmul mill-President u l-Viċi-President tal-Bank Ċentrali Ewropew u mill-Gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali. Il-membri l-oħra tal-Bord Eżekuttiv jistgħu jipparteċipaw, mingħajr id-dritt għall-vot, fil-laqgħat tal-Kunsill Ġenerali.

3.   Ir-responsabbiltajiet tal-Kunsill Ġenerali huma elenkati fid-dettal fl-Artikolu 46.

Artikolu 45

Funzjonament tal-Kunsill Ġenerali

1.   Il-President jew, fl-assenza tiegħu, l-Viċi-President tal-Bank Ċentrali Ewropew għandu jippresjedi l-Kunsill Ġenerali tal-Bank Ċentrali Ewropew.

2.   Il-President tal-Kunsill u membru tal-Kummissjoni jistgħu jipparteċipaw, mingħajr id-dritt tal-vot, fil-laqgħat tal-Kunsill Ġenerali.

3.   Il-President għandu jipprepara l-laqgħat tal-Kunsill Ġenerali.

4.   B'deroga mill-Artikolu 12(3), il-Kunsill Ġenerali għandu jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu.

5.   Is-Segretarjat tal-Kunsill Ġenerali għandu jiġi pprovdut mill-Bank Ċentrali Ewropew.

Artikolu 46

Responsabbiltajiet tal-Kunsill Ġenerali

1.   Il-Kunsill Ġenerali għandu:

a)

jwettaq il-kompiti previsti fl-Artikolu 43;

b)

jikkontribwixxi għall-funzjonijiet konsultattivi kif previsti fl-Artikolu 4 u l-Artikolu 25(1).

2.   Il-Kunsill Ġenerali għandu jikkontribwixxi:

a)

għall-ġbir ta' informazzjoni statistika kif previst fl-Artikolu 5;

b)

għall-attivitajiet ta' rappurtaġġ tal-Bank Ċentrali Ewropew kif previsti fl-Artikolu 15;

ċ)

għall-istabbiliment tar-regoli meħtieġa għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 26 kif previst fl-Artikolu 26(4);

d)

għat-teħid tal-miżuri l-oħra kollha meħtieġa għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 29 kif previst fl-Artikolu 29(4);

e)

għall-istabbiliment tal-kondizzjonijiet ta' impjieg tal-ħaddiema tal-Bank Ċentrali Ewropew kif previst fl-Artikolu 36.

3.   Il-Kunsill Ġenerali għandu jikkontribwixxi għall-preparattivi neċessarji biex jiġu ffissati irrevokabbilment ir-rati tal-kambju tal-muniti ta' l-Istati Membri li għandhom deroga fil-konfront tal-euro kif previst fl-Artikolu III-198(3) tal-Kostituzzjoni.

4.   Il-Kunsill Ġenerali għandu jiġi mgħarraf mill-President tal-Bank Ċentrali Ewropew bid-deċiżjonijiet tal-Kunsill Regolatorju.

Artikolu 47

Disposizzjonijiet transitorji dwar il-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew

Skond l-Artikolu 29 kull bank ċentrali nazzjonali għandu jingħata piż fil-kjavi għas-sottoskrizzjoni fil-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew. B'deroga mill-Artikolu 28(3), il-banek ċentrali ta' Stati Membri b'deroga ma għandhomx iħallsu l-kapital sottoskritt tagħhom sakemm il-Kunsill Ġenerali, li jaġixxi b'maġġoranza ta' mill-inqas żewġ terzi tal-kapital sottoskritt tal-Bank Ċentrali Ewropew u mill-inqas nofs l-azzjonisti, ma jiddeċiedix li għandha titħallas perċentwali minima bħala kontribuzzjoni għall-ispejjeż ta' l-operat tal-Bank Ċentrali Ewropew.

Artikolu 48

Ħlas differit tal-kapital, ta' riservi u ta' provvista tal-Bank Ċentrali Ewropew

1.   Il-bank ċentrali ta' Stat Membru li d-deroga tiegħu tkun ġiet abrogata, għandu jħallas is-sehem sottoskritt tiegħu mill-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew fl-istess livell bħall-banek ċentrali ta' Stati Membri oħra li l-munita tagħhom hija l-euro, u għandu jittrasferixxi lill-Bank Ċentrali Ewropew attiv f'riservi barranin skond l-Artikolu 30(1). Is-somma li tiġi trasferita għandha tiġi ffissata billi jiġi moltiplikat il-valur tal-euro skond ir-rati ta' kambju kurrenti ta' l-attiv tar-riservi barranin li kienu diġà ġew ittrasferiti lill-Bank Ċentrali Ewropew skond l-Artikolu 30(1), fil-proporzjon bejn l-għadd ta' ishma sottoskritti mill-bank ċentrali nazzjonali kkonċernat u l-għadd ta' ishma diġà mħallsa mill-banek ċentrali nazzjonali l-oħra.

2.   B'żieda mal-ħlas li għandu jsir skond il-paragrafu (1), il-bank ċentrali nazzjonali kkonċernat għandu jikkontribwixxi għar-riservi tal-Bank Ċentrali Ewropew, għal dawk il-provvisti ekwivalenti għal riservi, u għall-ammont li jkun għad irid jiġi allokat lir-riservi u l-provvisti li jikkorrispondu għall-bilanċ tal-kont ta' profitt u telf kif jidher sal-31 ta' Diċembru tas-sena qabel l-abrogazzjoni tad-deroga. L-ammont li jitħallas għandu jiġi stabbilit billi jiġi moltiplikat l-ammont tar-riservi, kif previst hawn qabel u kif muri fil-karta tal-bilanċ approvata tal-Bank Ċentrali Ewropew, fil-proporzjon bejn l-għadd ta' ishma sottoskritti mill-bank ċentrali involut u l-għadd ta' ishma diġà mħallsa mill-banek ċentrali l-oħra.

3.   Meta pajjiż wieħed jew aktar isiru Stati Membri u l-banek ċentrali nazzjonali rispettivi tagħhom isiru parti mis-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali, l-kapital sottoskritt tal-Bank Ċentrali Ewropew u l-limitu fuq l-ammont ta' assi ta' riserva barranin li jistgħu jiġu trasferiti lill-Bank Ċentrali Ewropew għandhom jiżdiedu awtomatikament. Iż-żieda għandha tiġi ffissata billi jiġu moltiplikati l-ammonti rispettivi kurrenti f'dak iż-żmien fil-proporzjon, fil-kwadru tal-kapital estiż, bejn l-ippeżar tal-banek ċentrali nazzjonali kkonċernati li jkunu se jidħlu u l-ippeżar tal-banek ċentrali nazzjonali li jkunu diġà membri tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali. L-ippeżar ta' kull bank ċentrali nazzjonali fil-kjavi tal-kapital għandu jiġi maħdum b'analoġija ma' l-Artikolu 29(1) u skond l-Artikolu 29(2). Il-perjodi ta' referenza li għandhom jintużaw għall-informazzjoni statistika għandhom ikunu identiċi ma' dawk applikati fl-aħħar aġġustament kwinkwennali ta' l-ippeżar taħt l-Artikolu 29(3).

Artikolu 49

Deroga mill-Artikolu 32

1.   Jekk, wara l-bidu tat-tielet stadju, l-Kunsill Regolatorju jiddeċiedi li l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 32 timmodifika b'mod sinjifikanti il-posizzjonijiet relattivi ta' introjtu tal-banek ċentrali nazzjonali, l-ammont ta' introjtu li għandu jiġi allokat skond l-Artikolu 32 għandu jitnaqqas b'perċentwali uniformi li m'għandhiex taqbeż is-60 % fl-ewwel sena finanzjarja wara l-bidu tat-tielet stadju u għandu jonqos b'mill-inqas 12-il punt perċentwali f'kull sena finanzjarja sussegwenti.

2.   Il-paragrafu (1) għandu japplika għal mhux iktar minn ħames snin finanzjarji wara l-bidu tat-tielet stadju.

Artikolu 50

Il-bdil ta' karti ta' flus bankarji fil-munita ta' l-Istati Membri

Wara li r-rati tal-kambju jiġu ffissati irrevokabbilment skond l-Artikolu III-198(3) tal-Kostituzzjoni, l-Kunsill Regolatorju għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-karti ta' flus bankarji denominati f'muniti ta' l-Istati Membri b'rati tal-kambju li jkunu ġew iffissati irrevokabbilment, jinbidlu mill-banek ċentrali nazzjonali bil-valur pari tagħhom rispettiv.

Artikolu 51

Applikabbiltà tad-disposizzjonijiet transitorji

Jekk Stati Membri jkollhom deroga u sakemm ikun hemm Stati Membri li jkollhom din id-deroga, l-Artikoli 42 sa 47 għandhom japplikaw.

5.   

PROTOKOLL DWAR L-ISTATUT TAL-BANK EWROPEW TA' L-INVESTIMENT

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

BIX-XEWQA li jistabbilixxu l-Istatut tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment previst fl-Artikolu III-393 tal-Kostituzzjoni,

FTEHMU dwar id-disposizzjonijiet li ġejjin, li għandhom jiġu annessi mat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa:

Artikolu 1

Il-Bank Ewropew ta' l-Investiment previst fl-Artikolu III-393 tal-Kostituzzjoni (minn issa 'l quddiem imsejjaħ il-“Bank”) qed jiġi hawnhekk kostitwit; huwa għandu jaqdi dmirijietu u jwettaq l-attivitajiet tiegħu skond il-Kostituzzjoni u dan l-Istatut.

Artikolu 2

Il-kompitu tal-Bank għandu jkun dak definit fl-Artikolu III-394 tal-Kostituzzjoni.

Artikolu 3

Skond l-Artikolu III-393 tal-Kostituzzjoni, l-membri tal-Bank għandhom ikunu l-Istati Membri.

Artikolu 4

1.   Il-kapital tal-Bank għandu jkun ta' 163 653 737 000 euro, sottoskritt mill-Istati Membri kif ġej:

il-Ġermanja

26 649 532 500

Franza

26 649 532 500

l-Italja

26 649 532 500

ir-Renju Unit

26 649 532 500

Spanja

15 989 719 500

il-Belġju

7 387 065 000

l-Olanda

7 387 065 000

l-Isvezja

4 900 585 500

id-Danimarka

3 740 283 000

l-Awstrija

3 666 973 500

il-Polonja

3 411 263 500

il-Finlandja

2 106 816 000

il-Greċja

2 003 725 500

il-Portugall

1 291 287 000

ir-Repubblika Ċeka

1 258 785 500

l-Ungerija

1 190 868 500

l-Irlanda

935 070 000

is-Slovakkja

428 490 500

is-Slovenja

397 815 000

il-Litwanja

249 617 500

il-Lussemburgu

187 015 500

Ċipru

183 382 000

il-Latvja

152 335 000

l-Estonja

117 640 000

Malta

69 804 000

L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli biss sas-somma ta' sehemhom mill-kapital sottoskritt iżda mhux imħallas.

2.   L-ammissjoni ta' membru ġdid għandha ġġib magħha żieda fil-kapital sottoskritt daqs il-kapital li jġib il-membru l-ġdid.

3.   Il-Bord tal-Gvernaturi jista', b'mod unanimu, jiddeċiedi li jżid il-kapital sottoskritt.

4.   Is-sehem ta' membru fil-kapital sottoskritt ma jistgħax jiġi trasferit, imwiegħed jew impenjat.

Artikolu 5

1.   Il-kapital sottoskritt għandu jitħallas mill-Istati Membri sa medja ta' 5 % tas-somom stabbiliti fl-Artikolu 4(1).

2.   Jekk ikun hemm żieda fil-kapital sottoskritt, il-Bord tal-Gvernaturi b'mod unanimu, għandu jiffissa l-perċentwali li għandha titħallas u l-arranġamenti għall-ħlas. Il-ħlas f'kontanti għandu jsir esklużivament f'euro.

3.   Il-Bord tad-Diretturi jista' jitlob il-ħlas tal-bilanċ tal-kapital sottoskritt, f'ammont li jista' jkun meħtieġ biex il-Bank ikun jista' jaqdi l-obbligi tiegħu.

Kull Stat Membru għandu jagħmel dan il-ħlas skond il-proporzjon tas-sehem tiegħu tal-kapital sottoskritt.

Artikolu 6

Il-Bank għandu jitmexxa minn Bord tal-Gvernaturi, Bord tad-Diretturi u Kumitat tat-Tmexxija.

Artikolu 7

1.   Il-Bord tal-Gvernaturi għandu jkun magħmul minn ministri maħtura mill-Istati Membri.

2.   Il-Bord tal-Gvernaturi għandu jistabbilixxi direttivi ġenerali għall-politika ta' kreditu tal-Bank, skond l-għanijiet ta' l-Unjoni.

Il-Bord tal-Gvernaturi għandu jassigura li dawn id-direttivi jkunu mplimentati.

3.   Minbarra dan, il-Bord tal-Gvernaturi għandu:

a)

jiddeċiedi jekk għandux iżid il-kapital sottoskritt skond l-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 5(2);

b)

għall-finijiet ta' l-Artikolu 9(1), jiffissa l-prinċipji applikabbli għal operazzjonijiet ta' finanzjament li jkun daħal għalihom fil-qafas tal-kompitu tal-Bank,

ċ)

jeżerċita s-setgħat kif provdut fl-Artikoli 9 u 11 dwar il-ħatra u l-irtirar obbligatorju tal-membri tal-Bord tad-Diretturi u tal-Kumitat tat-Tmexxija, u dawk il-kompetenzi provduti fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 11(1);

d)

jiddeċiedi dwar l-għoti ta' finanzi għal investiment li jrid isir, parzjalment jew għal kollox, barra t-territorju ta' l-Istati Membri skond l-Artikolu 16(1);

e)

japprova r-rapport annwali tal-Bord tad-Diretturi;

f)

japprova l-karta tal-bilanċ annwali u l-kont ta' qligħ u telf;

g)

japprova r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank;

h)

jeżerċita s-setgħat konferiti b'dan l-Istatut.

4.   Fil-qafas tal-Kostituzzjoni u ta' dan l-Istatut, il-Bord tal-Gvernaturi, b'mod unanimu, jista' jiddeċiedi dwar is-sospensjoni ta' l-operazzjonijiet u, jekk ikun il-każ, l-istralċ, tal-Bank.

Artikolu 8

1.   Salv meta provdut mod ieħor f'dan l-Istatut, il-Bord tal-Gvernaturi għandu jiddeċiedi b'maġġoranza tal-membri tiegħu. Din il-maġġoranza għandha tirrappreżenta mill-inqas 50 % tal-kapital sottoskritt.

Maġġoranza kwalifikata għandha teħtieġ tmintax-il vot favur u 68 % tal-kapital sottoskritt.

2.   L-astenzjoni mill-preżenza ta' membri jew tar-rappreżentati tagħhom m'għandhiex iżżomm milli sseħħ l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet li jeħtieġu l-unanimità.

Artikolu 9

1.   Il-Bord tad-Diretturi għandu jiddeċiedi dwar l-għoti ta' finanzjament, speċjalment fil-forma ta' kreditu jew garanziji, u faċilitajiet ta' self; għandu jiffissa r-rati ta' imgħax fuq self mogħti u l-kummissjoni u piżijiet oħra. Jista', fuq il-bażi ta' deċiżjoni meħuda b'maġġoranza kwalifikata, jiddelega xi wħud mill-funzjonijiet tiegħu lill-Kumitat tat-Tmexxija. Għandu jiffissa l-modalitajiet u l-kondizzjonijiet ta' din id-delega u għandu jissorvelja l-eżekuzzjoni tagħha.

Il-Bord tad-Diretturi għandu jassigura li l-Bank jitmexxa sewwa; għandu jassigura li l-Bank jitmexxa skond il-Kostituzzjoni, dan l-Istatut u d-direttivi ġenerali stabbiliti mill-Bord tal-Gvernaturi.

Fl-aħħar tas-sena finanzjarja l-Bord tad-Diretturi għandu jissottometti rapport lill-Bord tal-Gvernaturi u għandu jippubblikah wara li jiġi approvat.

2.   Il-Bord tad-Diretturi għandu jkun kompost minn sitta u għoxrin direttur u sittax-il direttur supplenti.

Id-diretturi għandhom jinħatru mill-Bord tal-Gvernaturi għal ħames snin, wieħed nominat minn kull Stat Membru. Wieħed għandu jkun nominat ukoll mill-Kummissjoni.

Id-diretturi supplenti għandhom jinħatru mill-Bord tal-Gvernaturi għal ħames snin kif ġej:

żewġ supplenti nominati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja,

żewġ supplenti nominati mir-Repubblika Franċiża,

żewġ supplenti nominati mir-Repubblika Taljana,

żewġ supplenti nominati mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq,

supplent wieħed nominat bi qbil bejn ir-Renju ta' Spanja u tar-Repubblika Portugiża,

supplent wieħed nominat bi qbil bejn ir-Renju tal-Belġju, l-Gran Dukat tal-Lussemburgu u r- Renju ta' l-Olanda,

supplent wieħed nominat bi qbil bejn ir-Renju tad-Danimarka, r-Repubblika Ellenika u l-Irlanda,

supplent wieħed nominat bi qbil bejn ir-Repubblika ta' l-Awstrija, r-Repubblika tal-Finlandja, u r-Renju ta' l-Isvezja,

tliet supplenti nominati bi qbil bejn ir-Repubblika Ċeka, r-Repubblika ta' l-Estonja, r-Repubblika ta' Ċipru, r-Repubblika tal-Latvja, r-Repubblika tal-Litwanja, r-Repubblika tal-Ungerija, r-Repubblika ta' Malta, r-Repubblika tal-Polonja, r-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka,

supplent wieħed nominat mill-Kommissjoni.

Il-Bord tad-Diretturi għandu jaħtar b'għażla sitt esperti bla dritt ta' vot: tlieta bħala membri u tlieta bħala supplenti.

Il-ħatriet tad-Diretturi u tas-supplenti jistgħu jiġġeddu.

Ir-Regoli tal-Proċedura għandhom jistabbilixxu l-arranġamenti għall-parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-Bord tad-Diretturi u d-disposizzjonijiet applikabbli għas-supplenti u għall-esperti maħtura b'għażla.

Il-President tal-Kumitat tat-Tmexxija jew, fl-assenza tiegħu, wieħed mill-Viċi-Presidenti, għandu jippresjedi l-laqgħat tal-Bord tad-Diretturi iżda m'għandux jivvota.

Il-Membri tal-Bord tad-Diretturi għandhom jintgħażlu minn fost persuni li dwar l-indipendenza u l-kompetenza tagħhom ma jkun hemm l-ebda dubju. Għandhom ikunu responsabbli biss lejn il-Bank.

3.   Il-Bord tal-Gvernaturi jista' jobbliga direttur jirtira biss jekk dan ma jkunx iktar fil-pussess tar-rekwiżiti meħtieġa għall-qadi ta' dmirijietu; Il-Bord għandu jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata.

Jekk ir-rapport annwali ma jiġix approvat, il-Bord tad-Diretturi għandu jirriżenja.

4.   Kull post battal li jirriżulta wara mewt, riżenja volontarja, rtirar obbligat jew riżenja kollettiva għandu jimtela skond il-paragrafu 2. Membru għandu jiġi sostitwit għall-bqija tal-mandat tiegħu, ħlief fil-każ fejn ikun qed jiġi sostitwit il-Bord tad-Diretturi sħiħ.

5.   Il-Bord tal-Gvernaturi għandu jiffissa r-remunerazzjoni tal-membri tal-Bord tad-Diretturi. Il-Bord tal-Gvernaturi għandu, jistabbilixxi liema attivitajiet huma inkompatibbli mad-doveri ta' direttur jew ta' supplent.

Artikolu 10

1.   Fil-Bord tad-Diretturi kull direttur għandu vot wieħed. Dan jista' jiddelega l-vot tiegħu fil-każijiet kollha, skond il-proċeduri stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura tal-Bank.

2.   Hlief kif provdut xort'oħra f'dan l-Istatut, id-deċiżjonijiet tal-Bord tad-Diretturi għandhom jittieħdu minn għall-inqas terz tal-membri li għandhom id-dritt tal-vot, li jirrappreżentaw mhux inqas minn 50 % tal-kapital sottoskritt. Maġġoranza kwalifikata teħtieġ tmintax-il vot u 68 % fil-mija tal-kapital sottoskritt. Ir-Regoli tal-Proċedura tal-Bank għandhom jistabbilixxu kemm hemm bżonn ta' membri tal-Bord tad-Diretturi biex ikun hemm il-quorum meħtieġ għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet.

Artikolu 11

1.   Il-Kumitat tat-Tmexxija għandu jkun kompost mill-President u tmien Viċi-Presidenti maħtura għal perjodu ta' sitt snin mill-Bord tal-Gvernaturi fuq proposta tal-Bord tad-Diretturi. Dawn il-ħatriet jistgħu jiġġeddu.

Il-Bord tal-Gvernaturi, li jaġixxi b'unanimità, jista' jbiddel l-għadd tal-membri tal-Kumitat tat-Tmexxija.

2.   Fuq proposta tal-Bord tad-Diretturi adottata b'maġġoranza kwalifikata, l-Bord tal-Gvernaturi li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jista' jirtira membru tal-Kumitat tat-Tmexxija.

3.   Il-Kumitat tat-Tmexxija għandu jkun responsabbli għax-xogħol kurrenti tal-Bank, taħt l-awtorità tal-President u s-sorveljanza tal-Bord tad-Diretturi.

Huwa għandu jħejji d-deċiżjonijiet tal-Bord tad-Diretturi, inklużi deċiżjonijiet dwar il-faċilitajiet ta' self u l-għoti ta' finanzjament, speċjalment fil-forma ta' self u garanziji. Għandu jassigura li dawn id-deċiżjonijiet jiġu implimentati.

4.   Il-Kumitat tat-Tmexxija, li jaġixxi b'maġġoranza, għandu jadotta opinjonijiet dwar proposti għal faċilitajiet ta' self jew għall-għoti ta' finanzjament, speċjalment fil-forma ta' self u garanziji.

5.   Il-bord tal-Gvernaturi għandu jiffissa r-remunerazzjoni tal-membri tal-Kumitat tat-Tmexxija u għandu jistabbilixxi liema attivitajiet huma inkompatibbli ma' dmirijiethom.

6.   Il-President jew, f'każ ta' impediment, wieħed mill-Viċi-Presidenti għandu jirrappreżenta l-Bank f'materji ġudizzjarji u f'materji oħrajn.

7.   L-impjegati tal-Bank għandhom ikunu taħt ir-responsabbiltà tal-President. Huma jiġu impjegati u ssensjati minnu. Fl-għażla ta' l-impjegati, għandha tittieħed in konsiderazzjoni mhux biss il-kompetenza personali u l-kwalifiki iżda wkoll ir-rappreżentanza ekwa taċ-ċittadini ta' l-Istati Membri. Ir-Regoli tal-Proċedura għandhom jistabbilixxu liema organu hu kompetenti biex jadotta d-disposizzjonijiet applikabbli għall-impjegati.

8.   Il-Kumitat tat-Tmexxija u l-impjegati tal-Bank għandhom ikunu responsabbli lejn il-Bank biss u għandhom ikunu indipendenti għal kollox fil-qadi ta' dmirijiethom.

Artikolu 12

1.   Kumitat magħmul minn sitt membri, maħtura fuq bażi tal-kompetenza tagħhom mill-Bord tal-Gvernaturi, għandu jivverifika li l-attivitajiet tal-Bank jaqblu ma' l-aħjar prattika bankarja, u għandu jkun responsabbli għall-verifika tal-kontijiet.

2.   Il-Kumitat previst fil-paragrafu 1 għandu, kull sena, jassigura li l-operazzjonijiet tal-Bank tmexxew u l-kotba tiegħu nżammu b'mod xieraq. Għal dan l-iskop, għandu jivverifika li l-operazzjonijiet tal-Bank saru skond il-formalitajiet u l-proċeduri previsti minn dan l-Istatut u r-Regoli tal-Proċedura.

3.   Il-Kumitat previst fil-paragrafu 1 għandu jikkonferma li d-dikjarazzjonijiet finanzjarji, kif ukoll kull informazzjoni finanzjarja oħra fil-kontijiet annwali mogħtija mill-Bord tad-Diretturi, jagħtu stampa vera u ġusta tal-posizzjoni finanzjarja tal-Bank f'dak li jirrigwarda l-attiv u l-passiv tiegħu, u f'dak li jirrigwarda r-riżultati ta' l-operazzjonijiet tiegħu u l-cash flows għas-sena finanzjarja kkonċernata.

4.   Ir-Regoli tal-Proċedura għandhom jispeċifikaw il-kwalifiki meħtieġa għall-membri tal-Kumitat u jistabbilixxu l-modalitajiet u l-kondizzjonijiet għall-attività tal-Kumitat.

Artikolu 13

Il-Bank għandu jitratta ma' kull Stat Membru permezz ta' l-awtorità maħtura minn dak l-Istat. Fit-twettiq ta' l-operazzjonijiet finanzjarji l-Bank għandu jirrikorri għand il-bank ċentrali nazzjonali ta' l-Istat Membru kkonċernat jew għand kull istituzzjoni finanzjarja oħra approvata minn dak l-Istat.

Artikolu 14

1.   Il-Bank għandu jikkopera ma' l-organizzazzjonijiet internazzjonali kollha li joperaw f'oqsma bħal tiegħu.

2.   Il-Bank għandu jfittex li jistabbilixxi kuntatti xierqa fl-interessi tal-koperazzjoni ma' istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji fil-pajjiżi li fihom jopera.

Artikolu 15

Fuq talba ta' Stat Membru jew tal-Kummissjoni, jew fuq inizjattiva tiegħu stess, il-Bord tal-Gvernaturi għandu, skond l-istess disposizzjonijiet li rregolaw l-adozzjoni tad-direttivi li stabbilixxa skond l-Artikolu 7, jinterpretahom jew jissupplimentahom.

Artikolu 16

1.   Fil-qafas tal-kompitu previst fl-Artikolu III-394 tal-Kostituzzjoni, l-Bank għandu jagħti finanzjament, speċjalment fil-forma ta' self u garanziji lill-membri tiegħu jew lil intrapriżi privati jew pubbliċi għal investimenti li għandhom jitwettqu fit-territorji ta' l-Istati Membri, sakemm ma jkunx hemm fondi disponibbli minn riżorsi oħra, b'kondizzjonijiet raġonevoli.

Madankollu, b'deċiżjoni tal-Bord tal-Gvernaturi, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta tal-Bord tad-Diretturi, l-Bank jista' jagħti finanzjament għal investimenti li għandhom jitwettqu, għal kollox jew parzjalment, barra t-territorji ta' l-Istati Membri.

2.   Kemm jista' jkun, self għandu jingħata biss bil-kundizzjoni li jintużaw ukoll riżorsi oħra ta' finanzjament.

3.   Meta jingħata self lil intrapriżi jew xi korp minbarra Stati Membri, l-Bank għandu jagħti s-self bil-kondizzjoni jew li jkun hemm garanzija minn Stat Membru li fit-territorju tiegħu jkun ser isir l-investiment, jew b'garanzija xierqa, jew abbażi tal-posizzjoni finanzjarja soda tad-debitur.

Barra minn hekk, skond il-prinċipji stabbiliti mill-Bord tal-Gvernaturi skond l-Artikolu 7(3)(b), u meta l-implimentazzjoni ta' l-operazzjonijiet prevista fl-Artikolu III-394 tal-Kostituzzjoni hekk titlob, il-Bord tad-Diretturi għandu, b'maġġoranza kwalifikata, jistabbilixxi l-modalitajiet u l-kondizzjonijiet ta' kull operazzjoni finanzjarja li fiha riskju speċifiku li b'hekk tkun ikkunsidrata bħala attività speċjali.

4.   Il-Bank jista' jiggarantixxi self meħud minn intrapriżi pubbliċi jew privati jew korpi oħra biex iwettqu proġetti previsti fl-Artikolu III-394 tal-Kostituzzjoni.

5.   Fi kwalunkwe żmien, l-ammont totali ta' self u garanziji mogħtija mill-Bank m'għandux jaqbeż il-250 % tal-kapital sottoskritt, tar-riservi, ta' l-ammonti mhux allokati u ta' l-ammonti li jkunu in eċċess fil-kont ta' qligħ u telf tiegħu. Dan l-ammont totali għandu jitnaqqas b'ammont daqs l-ammont sottoskritt (imħallas jew mhux) ta' kull parteċipazzjoni fil-kapital mill-Bank.

L-ammont tal-parteċipazzjonijiet fil-kapital mill-Bank imħallsa m'għandu qatt jaqbeż l-ammont imħallas tal-kapital sottoskritt, tar-riservi tiegħu, ta' l-ammonti mhux allokati u ta' l-ammonti li jkunu in eċċess fil-kont ta' qligħ u telf.

B'eċċezzjoni, għall-attivitajiet speċjali tal-Bank, kif deċiżi mill-Bord tal-Gvernaturi u l-Bord tad-Diretturi skond il-paragrafu 3 għandu jkun hemm allokazzjoni speċifika ta' riserva.

Dan il-paragrafu japplika wkoll għall-kontijiet konsolidati tal-Bank.

6.   Il-Bank għandu jipproteġi ruħu kontra riskji ta' kambju billi jinkludi l-klawżoli li jidhirlu xierqa fil-kuntratti ta' self u garanzija.

Artikolu 17

1.   Rati ta' imgħax fuq self li jingħata mill-Bank u kummissjoni u piżijiet oħra għandhom jiġu aġġustati skond il-kondizzjonijiet kurrenti fis-suq kapitali u għandhom jiġu kkalkolati b'mod li d-dħul minnhom jippermetti lill-Bank li jaqdi l-obbligi tiegħu, biex ikopri l-ispejjeż u r-riskji tiegħu u biex jibni fond ta' riserva kif provdut fl-Artikolu 22.

2.   Il-Bank m'għandux jippermetti tnaqqis fir-rata ta' imgħax. Meta tnaqqis fir-rata ta' imgħax jidher desiderabbli minħabba n-natura ta' l-investiment li jkun qed jiġi ffinanzjat, l-Istat Membru kkonċernat jew xi aġenzija oħra tista' tagħti għajnuna għall-ħlas ta' l-imgħax sakemm dan ikun kompatibbli ma' l-Artikolu III-167 tal-Kostituzzjoni.

Artikolu 18

Fl-operazzjonijiet ta' finanzjament tiegħu, l-Bank għandu josserva l-prinċipji li ġejjin:

1.

Għandu jassigura li l-fondi tiegħu jintużaw bl-iżjed mod razzjonali fl-interessi ta' l-Unjoni.

Jista' jagħti self jew garanziji biss:

a)

meta l-imgħax u l-ammortizzament huma koperti, jew minn qligħ mill-istess negozju fil-każ ta' investimenti minn intrapriżi fis-settur tal-produzzjoni, jew fil-każ ta' investimenti oħra, minn impenn sottoskritt mill-Istat li fih isir l-investiment jew b'xi mod ieħor, u

b)

meta t-twettiq ta' l-investiment jikkontribwixxi għal żieda ġenerali tal-produttività ekonomika u jippromwovi l-istabbiliment jew il-funzjonament tas-suq intern.

2.

M'għandux jakkwista xi interess f'intrapriża u lanqas jassumi xi responsabbiltà fit-tmexxija tagħha ħlief meta dan ikun meħtieġ biex jissalvagwardja d-drittijiet tal-Bank billi jassigura li jinġabru l-fondi mislufin.

Madankollu, skond il-prinċipji stabbiliti mill-Bord tal-Gvernaturi skond l-Artikolu 7(3)(b), u meta l-implimentazzjoni ta' l-operazzjonijiet prevista fl-Artikolu III-394 tal-Kostituzzjoni hekk titlob, il-Bord tad-Diretturi għandu, b'maġġoranza kwalifikata, jistabbilixxi l-modalitajiet u l-kondizzjonijiet tal-parteċipazzjoni fil-kapital ta' intrapriża kummerċjali, normalment bħala kompliment għal self jew garanzija, sakemm dan ikun meħtieġ biex jiġi ffinanzjat investiment jew programm.

3.

Jista' jiddisponi mill-pretensjonijiet tiegħu fis-suq tal-kapital u jista', għal dan l-iskop, jeħtieġ li d-debituri joħorġu bonds u titoli oħrajn.

4.

La l-Bank u lanqas l-Istati Membri m'għandhom jimponu kondizzjonijiet li jeħtieġu li fondi mislufa mill-Bank jintnefqu fi Stat Membru speċifiku.

5.

Il-Bank jista' jagħti self bil-kondizzjoni li jsiru arranġamenti biex jinħarġu talbiet għall-offerti internazzjonali.

6.

Il-Bank m'għandux jiffinanzja, parzjalment jew għal kollox, xi investiment f'territorju ta' Stat li ma jkunx iridu.

7.

Bħala kumpliment għall-attività ta' self tiegħu, l-Bank jista' jipprovdi servizzi ta' għajnuna teknika skond il-modalitajiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti mill-Bord tal-Gvernaturi, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, u bi qbil ma' dan l-Istatut.

Artikolu 19

1.   Kull intrapriża jew entità pubblika jew privata tista' tapplika għal finanzjament direttament mingħand il-Bank. Applikazzjonijiet lill-Bank jistgħu jsiru wkoll jew permezz tal-Kummissjoni jew permezz ta' Stat Membru li fuq it-territorju tiegħu jkun ser isir l-investiment.

2.   Applikazzjonijiet magħmula permezz tal-Kummissjoni għandhom jiġu sottomessi għal opinjoni ta' l-Istat Membru li fuq it-territorju tiegħu jkun ser isir l-investiment. Applikazzjonijiet magħmula permezz ta' Stat Membru għandhom jiġu sottomessi lill-Kummissjoni biex tagħti opinjoni. Applikazzjonijiet magħmula direttament minn intrapriża għandhom jiġu sottomessi lill-Istat Membru kkonċernat u lill-Kummissjoni.

L-Istat Membru kkonċernat u l-Kummissjoni għandhom jagħtu l-opinjoni tagħhom fi żmien xahrejn. Jekk f'dan il-terminu ma tingħatax tweġiba, l-Bank jista' jassumi li m'hemmx oġġezzjoni għall-investiment in kwistjoni.

3.   Il-Bord tad-Diretturi għandu jiddeċiedi dwar operazzjonijiet ta' finanzjament sottomessi lilu mill-Kumitat tat-Tmexxija.

4.   Il-Kumitat tat-Tmexxija għandu jeżamina jekk operazzjonijiet ta' finanzjament sottomessi lilu jaqblux mad-dan l-Istatut, speċjalment ma' l-Artikoli 16 u 18. Meta l-Kumitat tat-Tmexxija jkun jaqbel ma' l-operazzjoni ta' finanzjament għandu jissottometti l-proposta kkonċernata lill-Bord tad-Diretturi. Il-Kumitat jista' jissoġġetta l-opinjoni favorevoli tiegħu għall-kondizzjonijiet li jidhirlu meħtieġa. Meta l-Kumitat tat-Tmexxija jkun kontra l-għoti ta' finanzjament għandu jissottometti d-dokumenti rilevanti flimkien ma' l-opinjoni tiegħu lill-Bord tad-Diretturi.

5.   Meta l-Kumitat tat-Tmexxija jagħti opinjoni kuntrarja, l-Bord tad-Diretturi ma jistax jagħti l-finanzjament kkonċernat ħlief jekk id-deċiżjoni tiegħu tkun unanima.

6.   Meta l-Kummissjoni tagħti opinjoni kuntrarja, l-Bord tad-Diretturi ma jistax jagħti l-finanzjament kkonċernat ħlief jekk id-deċiżjoni tiegħu tkun unanima, u f'dan il-każ id-direttur innominat mill-Kummissjoni għandu jastjeni.

7.   Meta kemm il-Kumitat tat-Tmexxija kif ukoll il-Kummissjoni jagħtu opinjoni kuntrarja, l-Bord tad-Diretturi ma jistax jagħti l-finanzjament.

8.   Meta operazzjoni ta' finanzjament li għandha x'taqsam ma' investiment approvat trid tiġi ristrutturata biex jiġu mħarsa d-drittijiet u l-interessi tal-Bank, il-Kumitat tat-Tmexxija għandu bla telf ta' żmien jieħu l-miżuri ta' emerġenza li jidhrulu xierqa, u għandu jirrapporta dan minnufih lill-Bord tad-Diretturi.

Artikolu 20

1.   Il-Bank għandu jissellef fis-swieq tal-kapital dawk il-fondi meħtieġa biex iwettaq il-kompitu tiegħu.

2.   Il-Bank jista' jissellef fis-swieq tal-kapital ta' l-Istati Membri skond id-disposizzjonijiet legali li japplikaw għal dawk is-swieq.

L-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru li jkollhom deroga skond it-tifsira ta' l-Artikolu III-197(1) tal-Kostituzzjoni jistgħu jopponu dan biss jekk ikun hemm biża ta' disturbi serji fis-swieq tal-kapital ta' dak l-Istat.

Artikolu 21

1.   Il-Bank jista' juża l-fondi kollha disponibbli li ma jkunx jeħtieġ immedjatament biex jaqdi l-obbligi tiegħu kif ġej:

a)

jista' jinvesti fis-swieq finanzjarji;

b)

bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 18(2), jista' jixtri u jbiegħ titoli;

ċ)

jista' jwettaq kull operazzjoni finanzjarja oħra marbuta mal-miri tiegħu.

2.   Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 23, fl-amministrazzjoni ta' l-investimenti tiegħu, l-Bank m'għandux jidħol għal xi arbitraġġ ta' munita li ma jkunx meħtieġ direttament biex imexxi l-operazzjonijiet ta' self tiegħu jew biex jaqdi dmirijietu fejn għandhom x'jaqsmu l-faċilitajiet tas-self u l-garanziji mogħtija minnu.

3.   Il-Bank għandu, fl-oqsma li jaqgħu taħt dan l-Artikolu, jaġixxi bi qbil ma' l-awtoritajiet kompetenti jew mal-bank ċentrali nazzjonali ta' l-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 22

1.   Fond ta' riżerva sa 10 % tal-kapital sottoskritt għandu jiġi maħluq progressivament. Il-Bord tad-Diretturi jista' jiddeċiedi li jwarrab riżervi addizzjonali, jekk ir-responsabbiltajiet tal-Bank jiġġustifikaw dan. Sakemm il-fond tar-riżerva jiġi maħluq kompletament, għandhom jidħlu fih:

a)

l-imgħax fuq self mogħti mill-Bank minn somom li jridu jitħallsu mill-Istati Membri skond l-Artikolu 5;

b)

l-imgħax fuq self mogħti mill-Bank minn fondi ġejjin mill-ħlas lura tas-self previst f'(a),

dan sakemm dan l-introjtu mhux meħtieġ biex jaqdi l-obbligi tal-bank jew biex ikopri l-ispejjeż tiegħu.

2.   Ir-riżorsi tal-fond tar-riserva għandhom jiġu investiti b'mod li jkunu dejjem disponibbli biex jaqdu l-għan tal-fond.

Artikolu 23

1.   Il-Bank għandu jkun dejjem intitolat li jittrasferixxi l-assi tiegħu fil-munita ta' Stat Membru li l-munita tiegħu mhijiex l-euro biex iwettaq operazzjonijiet finanzjarji li jaqblu mal-kompitu previst fl-Artikolu III-394 tal-Kostituzzjoni, waqt li jieħu in konsiderazzjoni d-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 21 ta' dan l-Istatut. Il-Bank għandu, sa fejn possibbli, jevita li jagħmel dawn it-trasferimenti jekk jippossjedi flus jew assi likwidi fil-munita meħtieġa.

2.   Il-Bank ma jistax jikkonverti l-assi tiegħu fil-munita ta' Stat Membru li l-munita tiegħu mhijiex l-euro għall-munita ta' pajjiż terz mingħajr il-kunsens ta' l-Istat Membru kkonċernat.

3.   Il-Bank jista' jiddisponi liberament minn dik il-parti tal-kapital tiegħu li tkun imħallsa u minn kull munita li jkun issellef fis-swieq barra mill-Unjoni.

4.   L-Istati Membri jintrabtu li jqiegħdu għad-disposizzjoni tad-debituri tal-Bank il-munita meħtieġa biex iħallsu lura l-kapital u jħallsu l-imgħax fuq self jew kummissjoni fuq garanziji mogħtija mill-Bank għal investiment li għandu jsir fit-territorju tagħhom.

Artikolu 24

Jekk Stat Membru jonqos milli jaqdi l-obbligi tas-sħubija li jinħolqu minn dan l-Istatut, speċjalment l-obbligu li jħallas sehmu tal-kapital sottoskritt, li jagħti self speċjali jew li jagħmel il-pagamenti fuq is-self tiegħu, l-għoti ta' self jew garanziji lill-dak l-Istat Membru jew liċ-ċittadini tiegħu jista' jiġi sospiż b'deċiżjoni tal-Bord tal-Gvernaturi, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata.

Din id-deċiżjoni ma teħles la lil dak l-Istat Membru u lanqas liċ-ċittadini tiegħu mill-obbligi tagħhom lejn il-Bank.

Artikolu 25

1.   Jekk il-Bord tal-Gvernaturi jiddeċiedi li jissospendi l-operazzjonijiet tal-Bank, l-attivitajiet tiegħu għandhom jieqfu minnufih, minbarra dawk meħtieġa biex jassiguraw li l-assi tiegħu jintużaw, u jkunu protetti u preservati u li d-djun jiġu mħallsa kif meħtieġ.

2.   F'każ ta' stralċ, l-Bord tal-Gvernaturi għandu jaħtar l-istralċjarji u jagħtihom istruzzjonijiet biex iwettqu l-istralċ. Għandu jassigura li d-drittijiet ta' l-impjegati jiġu mħarsa.

Artikolu 26

1.   F'kull wieħed mill-Istati Membri, l-Bank għandu jgawdi l-kapaċita ġuridika l-iktar estensiva mogħtija lil persuni ġuridiċi taħt il-liġijiet tiegħu. Jista', b'mod partikolari, jakkwista jew jiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u jista' jkun parti fi proċedimenti legali.

2.   Il-proprjetà tal-Bank ma tistax tkun sottomessa għal xi forma ta' rekwisizzjoni jew esproprjazzjoni.

Artikolu 27

1.   Kwistjonijiet bejn il-Bank min-naħa l-waħda, u l-kredituri jew id-debituri tiegħu jew kull persuna oħra min-naħa l-oħra, għandhom ikunu deċiżi mill-qrati nazzjonali kompetenti, salv meta l-ġurisdizzjoni tkun ġiet mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea. Il-Bank jista' jipprovdi għall-arbitraġġ fi kwalunkwe kuntratt.

2.   Il-Bank għandu jkollu indirizz uffiċjali f'kull Stat Membru. Madankollu, jista' jispeċifika indirizz partikolari tas-servizz fi kwalunkwe kuntratt.

3.   Il-proprjetà u l-assi tal-Bank ma jistgħux jiġu ssekwestrati jew jinqabdu bħala riżultat ta' eżekuzzjoni furzata ħlief b'deċiżjoni ta' qorti.

Artikolu 28

1.   Il-Bord tal-Gvernaturi jista', b'mod unanimu, jiddeċiedi li jistabbilixxi sussidjarji jew entitajiet oħra li għandu jkollhom personalità ġuridika u awtonomija finanzjarja.

2.   Il-Bord tal-Gvernaturi, b'mod unanimu, għandu jistabbilixxi l-istatuti tal-korpi previsti fil-paragrafu 1, u jiddefinixxi b'mod partikolari, l-għanijiet, l-istruttura, l-kapital, is-sħubija, s-sit tas-sede tagħhom, ir-riżorsi finanzjarji, l-mezzi ta' arranġamenti għall-intervent u l-kontroll, kif ukoll ir-relazzjoni tagħhom ma' l-organi tal-Bank.

3.   Il-Bank jista' jieħu sehem fit-tmexxija ta' dawn il-korpi u jikkontribwixxi għall-kapital sottoskritt tagħhom sa ammont determinat mill-Bord tal-Gvernaturi, li jaġixxi b'mod unanimu.

4.   Il-Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet ta' l-Unjoni Ewropea għandu japplika għall-korpi previsti fil-paragrafu 1 sakemm dawn ikunu inkorporati taħt il-liġi ta' l-Unjoni, għall-membri ta' l-organi tagħhom fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom bħala tali u għall-impjegati tagħhom bil-modalitajiet u kondizzjonijiet identiċi għal dawk li japplikaw għall-Bank.

Dawk id-dividendi, l-qligħ kapitali jew forom oħra ta' dħul li jiġu minn dawn il-korpi li għalihom il-membri, minbarra l-Unjoni Ewropea u l-Bank, huma ntitolati, għandhom madankollu jibqgħu suġġetti għad-disposizzjonijiet fiskali tal-leġislazzjoni applikabbli.

5.   Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea għandha tisma', fil-limiti stabbiliti hawn taħt, kwistjonijiet dwar miżuri adottati minn organi ta' xi korp inkorporat taħt id-dritt ta' l-Unjoni. Proċedimenti kontra dawn il-miżuri jistgħu jiġu istitwiti minn kull membru ta' korp tali fil-kapacità tiegħu bħala tali jew minn Stati Membri taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu III-365 tal-Kostituzzjoni.

6.   Il-Bord tal-Gvernaturi jista', b'mod unanimu, jiddeċiedi li jdaħħal l-impjegati ta' korpi inkorporati taħt il-liġi ta' l-Unjoni fi skemi mal-Bank, skond il-proċeduri interni li għandhom x'jaqsmu magħhom.

6.   

PROTOKOLL DWAR IS-SITI TAS-SEDI TA' L-ISTITUZZJONIJIET U TA' ĊERTI KORPI, AĠENZIJI U DIPARTIMENTI TA' L-UNJONI EWROPEA

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW l-Artikolu III-432 tal-Kostituzzjoni,

FILWAQT LI JFAKKRU U JIKKONFERMAW id-Deċiżjoni tat-8 ta' April 1965, u mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw is-sedi ta' l-istituzzjonijiet, tal-korpi, ta' l-aġenziji u tad-dipartimenti futuri,

FTEHMU dwar id-disposizzjonijiet li ġejjin, li għandhom ikunu annessi mat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika:

Artikolu uniku

1.   Il-Parlament Ewropew għandu jkollu s-sede tiegħu fi Strasburgu fejn it-12-il perjodu ta' sessjonijiet plenarji kull xahar, inkluża s-sessjoni dwar il-budget, għandhom jinżammu. Il-perjodi ta' sessjonijiet plenarji addizzjonali għandhom jinżammu fi Brussel. Il-kumitati tal-Parlament Ewropew għandhom jiltaqgħu fi Brussel. Is-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament Ewropew u d-dipartimenti tiegħu għandhom jibqgħu fil-Lussemburgu.

2.   Il-Kunsill għandu jkollu s-sede tiegħu fi Brussel. Matul ix-xhur ta' April, Ġunju u Ottubru, l-Kunsill għandu jżomm il-laqgħat tiegħu fil-Lussemburgu.

3.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-sede tagħha fi Brussel. Id-dipartimenti previsti fl-Artikoli 7, 8 u 9 tad-Deċiżjoni tat-8 ta' April 1965 għandhom ikunu stabbiliti fil-Lussemburgu.

4.   Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea għandu jkollha s-sede tagħha fil-Lussemburgu.

5.   Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jkollu s-sede tiegħu fi Frankfurt.

6.   Il-Qorti ta' l-Awdituri għandu jkollha s-sede tagħha fil-Lussemburgu.

7.   Il-Kumitat tar-Reġjuni għandu jkollu s-sede tiegħu fi Brussel.

8.   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali għandu jkollu s-sede tiegħu fi Brussel.

9.   Il-Bank Ewropew ta' l-Investiment għandu jkollu s-sede tiegħu fil-Lussemburgu.

10.   Il-Europol għandu jkollu s-sede tiegħu fl-Aja.

7.   

PROTOKOLL DWAR IL-PRIVILEĠĠI U L-IMMUNITAJIET TA' L-UNJONI EWROPEA

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

WARA LI KKUNSIDRAW li, skond l-Artikolu III-434 tal-Kostituzzjoni, l-Unjoni tgawdi fit-territorji ta' l-Istati Membri dawk il-privileġġi u l-immunitajiet li huma neċessarji għat-twettiq tal-kompiti tagħha,

FTEHMU dwar id-disposizzjonijiet li ġejjin, li għandhom ikunu annessi mat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika:

KAPITOLU I

PROPRJETÀ, FONDI, ASSI U OPERAZZJONIJIET TA' L-UNJONI

Artikolu 1

L-istabbilimenti u l-bini ta' l-Unjoni għandhom ikunu invjolabbli. Ma jistgħux ikunu sottomessi għal tfittxija, rekwisizzjoni, konfiska jew esproprjazzjoni. Il-proprjetà u l-assi ta' l-Unjoni m'għandhomx ikunu s-suġġetti għal xi miżura amministrattiva jew legali li jirrestrinġu mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Artikolu 2

L-arkivji ta' l-Unjoni għandhom ikunu invjolabbli.

Artikolu 3

L-Unjoni, l-assi, d-dħul u proprjetà oħra tagħha għandhom ikunu eżenti mit-taxxi diretti kollha.

Il-gvernijiet ta' l-Istati Membri għandhom, fejn hu possibbli, jieħdu l-miżuri xierqa biex jittrasferixxu jew jirrimborsaw l-ammont ta' taxxa indiretta jew taxxa fuq il-bejgħ inkluża fil-prezz ta' proprjetà mobbli jew immobbli, meta l-Unjoni tagħmel, għall-użu uffiċjali tagħha, xiri sostanzjali ta' oġġetti li l-prezz tagħhom jkun jinkludi taxxi ta' din ix-xorta. B'danakollu dawn id-disposizzjonijiet m'għandhomx ikollhom l-effett li jikkaġunaw distorsjoni tal-kompetizzjoni fl-Unjoni.

L-ebda eżenzjoni ma għandha tingħata fir-rigward ta' taxxi u pagamenti oħra li jkunu dovuti bħala ħlas biss għal servizzi pubbliċi.

Artikolu 4

L-Unjoni għandha tkun eżenti minn kull dazju doganali, projbizzjoni jew restrizzjoni fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni fir-rigward ta' oġġetti li jkunu maħsuba għall-użu uffiċjali tagħha. Oġġetti li jkunu ġew importati b'dan il-mod ma jistgħux jiġu trasferiti, kemm jekk għal ħlas u anki jekk le, fit-territorju ta' l-Istat fejn ikunu ġew importati, ħlief taħt kondizzjonijiet li jkunu approvati mill-gvern ta' dak l-Istat.

L-Unjoni għandha wkoll tkun eżenti minn kull dazju doganali u kull projbizzjoni u restrizzjoni fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni fir-rigward tal-pubblikazzjonijiet tagħha.

KAPITOLU II

KOMUNIKAZZJONIJIET U LAISSEZ-PASSER

Artikolu 5

Għall-komunikazzjoni u t-trasmissjoni uffiċjali tad-dokumenti tagħhom kollha, l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni għandhom igawdu fit-territorju ta' kull Stat Membru t-trattament mogħti minn dak l-Istat lill-missjonijiet diplomatiċi.

Il-korrispondenza uffiċjali u komunikazzjonijiet uffiċjali oħra ta' l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni ma għandhomx ikunu sottomessi għal ċensura.

Artikolu 6

Laissez-passer f'forma li tiġi preskritta b'regolament Ewropew tal-Kunsill li jaġixxi b'maġġoranza sempliċi, u li għandhom ikunu rikonoxxuti bħala dokumenti ta' l-ivvjaġġar validi mill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri, jistgħu jinħarġu lill-membri u l-impjegati ta' l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni mill-Presidenti ta' dawn l-istituzzjonijiet. Dawn il-laissez-passer għandhom jinħarġu lil uffiċjali u impjegati oħra taħt kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet ta' l-Impjieg applikabbli għall-Agenti l-oħra ta' l-Unjoni.

Il-Kummissjoni tista' tikkonkludi ftehim sabiex dawn il-laissez-passer ikunu rikonoxxuti bħala dokumenti ta' l-ivvjaġġar validi ġewwa t-territorju ta' Stati terzi.

KAPITOLU III

MEMBRI TAL-PARLAMENT EWROPEW

Artikolu 7

L-ebda restrizzjoni amministrattiva jew ta' natura oħra ma għandha tiġi mposta fuq il-moviment liberu tal-membri tal-Parlament Ewropew li jivvjaġġaw lejn jew mill-post fejn jiltaqa' l-Parlament Ewropew.

Il-membri tal-Parlament Ewropew għandhom, fir-rigward tad-dwana u tal-kontroll tal-kambju, jingħataw:

a)

mill-gvern tagħhom stess, l-istess faċilitajiet bħal dawk mogħtija lill-uffiċjali għolja li jivvjaġġaw barra mill-pajjiż fuq missjonijiet uffiċjali temporanji;

b)

mill-gvern ta' Stati Membri oħra, l-istess faċilitajiet bħal dawk mogħtija lil rappreżentanti ta' gvernijiet barranin fuq missjonijiet uffiċjali temporanji.

Artikolu 8

Il-membri tal-Parlament Ewropew ma għandhomx ikunu soġġetti għal kwalunkwe forma ta' inkjesta, detenzjoni jew proċedimenti legali fir-rigward ta' opinjonijiet jew voti espressi minnhom fil-qadi ta' dmirijiethom.

Artikolu 9

Matul is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-membri tiegħu għandhom:

a)

igawdu fit-territorju ta' l-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament tagħhom;

b)

jiġu meqjusa immuni kemm mid-detenzjoni u kemm mill-proċeduri legali kontra tagħhom fit-territorju ta' kull Stat Membru ieħor.

L-immunità għandha tapplika bl-istess mod għall-membri waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa' l-Parlament Ewropew.

L-immunità ma tistax tiġi invokata la meta membru jinqabad fil-fatt li jwettaq reat u lanqas ma żżomm lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jneħħi l-immunità ta' wieħed mill-membri tiegħu.

KAPITOLU IV

RAPPREŻENTANTI TA' STATI MEMBRI LI JIEĦDU SEHEM FIX-XOGĦOL TA' L-ISTITUZZJONIJIET TA' L-UNJONI

Artikolu 10

Ir-rappreżentanti ta' Stati Membri li jieħdu sehem fix-xogħol ta' l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni, l-konsulenti u l-esperti tekniċi tagħhom għandhom, fil-qadi ta' dmirijiethom u waqt li jivvjaġġaw lejn u mill-post tal-laqgħa, jgawdu mill-privileġġi, l-immunitajiet u l-faċilitajiet skond il-konswetudini.

Dan l-Artikolu għandu japplika wkoll għall-membri tal-korpi konsultattivi ta' l-Unjoni.

KAPITOLU V

UFFIĊJALI U IMPJEGATI OĦRA TA' L-UNJONI

Artikolu 11

Fit-territorju ta' kull Stat Membru u tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom, l-uffiċjali u l-impjegati l-oħra ta' l-Unjoni:

a)

bla ħsara għad-disposizzjonijiet tal-Kostituzzjoni li għandhom x'jaqsmu, min-naħa l-waħda, mar-regoli dwar ir-responsabbiltà ta' l-uffiċjali u impjegati oħra lejn l-Unjoni u, min-naħa l-oħra, mal-kompetenza tal-Qorti tal-Gustizzja ta' l-Unjoni Ewropea f'kwistjonijiet bejn l-Unjoni u l-uffiċjali tagħha u impjegati oħra, għandhom igawdu l-immunità minn proċedimenti legali rigward l-atti li jkunu wettqu fil-kariga uffiċjali tagħhom, inklużi l-kliem u l-kitba tagħhom. Huma jibqgħu jgawdu din l-immunità wara li jkunu spiċċaw mill-kariga;

b)

mhumiex soġġetti għad-disposizzjonijiet li jirrestrinġu l-immigrazzjoni u għall-formalitajiet għar-reġistrazzjoni tal-barranin. L-istess japplika għall-konjuġi u għall-membri dipendenti tal-familji tagħhom;

ċ)

fir-rigward tar-regolamenti dwar il-munita jew il-kambju, jingħataw l-istess faċilitajiet li b'konswetudini jingħataw lill-uffiċjali ta' organizzazzjonijiet internazzjonali;

d)

igawdu d-dritt li jimportaw mingħajr dazju l-għamara u l-effetti personali tagħhom meta jassumu l-funzjoni tagħhom għall-ewwel darba fl-Istat kkonċernat, u d-dritt li jerġgħu jesportaw bla ma jħallsu dazju l-għamara u l-affarijiet tagħhom, meta jispiċċaw jaqdu dmirijiethom f'dak l-Istat, bla ħsara fi kwalunkwe każ għall-kondizzjonijiet li l-gvern ta' dak l-Istat fejn dan id-dritt jiġi eżerċitat, jikkunsidra neċessarji;

e)

ikollhom id-dritt li jimportaw mingħajr dazju karozza għall-użu personali tagħhom, li tkun inxtrat jew fl-Istat fejn kienu qed jirresjedu l-aħħar, jew fl-Istat li tiegħu huma ċittadini, skond il-kondizzjonijiet tas-suq intern li jkunu jseħħu f'dak l-Istat, u li jerġgħu jesportawha bla ma jħallsu dazju, bla preġudizzju, fi kwalunkwe każ, għall-kondizzjonijiet li l-gvern tal-pajjiż ikkonċernat jikkunsidra neċessarji.

Artikolu 12

L-uffiċjali u l-impjegati l-oħra ta' l-Unjoni għandhom iħallsu taxxa, għall-benefiċċju ta' l-Unjoni, fuq is-salarji, l-pagi u l-emolumenti li jkunu irċevew mill-Unjoni, skond il-kondizzjonijiet u l-proċedura stabbiliti b'liġi Ewropea. Dik l-liġi għandha tigi adottata wara konsultazzjoni ma' l-istituzzjonijiet ikkonċernati.

L-uffiċjali u l-impjegati l-oħra ta' l-Unjoni għandhom ikunu eżenti mit-taxxi nazzjonali fuq is-salarji, l-pagi u l-emolumenti mħallsa mill-Unjoni.

Artikolu 13

Fl-applikazzjoni tat-taxxa fuq l-income, fuq il-patrimonju u tas-suċċessjoni u fl-applikazzjoni tal-konvenzjonijiet dwar il-ħelsien mit-taxxa doppja konklużi bejn l-Istati Membri ta' l-Unjoni, uffiċjali u impjegati oħra ta' l-Unjoni li, purament minħabba t-twettiq ta' dmirijiethom fis-servizz ta' l-Unjoni jistabbilixxu r-residenza tagħhom fit-territorju ta' Stat Membru li ma jkunx l-Istat ta' domiċilju tagħhom għal skopijiet ta' taxxa meta jkunu bdew jaħdmu ma' l-Unjoni, għandhom ikunu kkunsidrati, sew fl-Istat fejn ikunu qed jirresjedu attwalment kif ukoll fl-Istat ta' domiċilju għal skopijiet ta' taxxa, bħallikieku żammew id-domiċilju tagħhom fl-Istat ta' l-aħħar basta li dan ikun membru ta' l-Unjoni. Din id-disposizzjoni għandha tapplika wkoll għall-konjuġi, sakemm dan jew din ta' l-aħħar ma jkunx jew ma tkunx qed jagħmel/tagħmel xogħol bi qligħ, u għal tfal dipendenti u taħt il-ħarsien tal-persuni previsti f'dan l-Artikolu.

Proprjetà mobbli li tkun tappartjeni lil persuni previsti fl-ewwel paragrafu u li tkun fit-territorju ta' l-Istat fejn ikunu qed joqgħodu għandha tkunu eżenti mit-taxxa tas-suċċessjoni f'dak l-Istat. Din il-proprjetà għandha, sabiex tiġi stmata din it-taxxa, tkun ikkunsidrata bħallikieku qiegħda fl-Istat ta' domiċilju għal skopijiet ta' taxxa, bla ħsara għad-drittijiet ta' Stati terzi u għall-possibiltà li jiġu applikati d-disposizzjonijiet ta' konvenzjonijiet internazzjonali dwar it-taxxa doppja.

Kull domiċilju li jkun akkwistat purament minħabba t-twettiq ta' dmirijiet fis-servizz ta' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra ma għandux ikun kkunsidrat meta jiġu applikati d-disposizzjonijiet ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 14

L-iskema dwar il-benefiċċji tas-sigurtà soċjali għall-uffiċjali u l-impjegati oħra ta' l-Unjoni għandha tiġi stabbilita permezz ta' liġi Ewropea. Dik il-liġi għandha tigi adottata wara konsultazzjoni ma' l-istituzzjonijiet ikkonċernati.

Artikolu 15

Il-kategoriji ta' l-uffiċjali u l-impjegati l-oħra ta' l-Unjoni li għalihom għandhom japplikaw id-disposizzjonijiet fl-Artikolu 11, it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 12, u l-Artikolu 13, għal kollox jew parzjalment, għandhom ikunu stabbiliti permezz ta' liġi Ewropea. Din għandha tigi adottata wara konsultazzjoni ma' l-istituzzjonijiet ikkonċernati.

L-ismijiet, il-gradi u l-indirizzi ta' l-uffiċjali u l-impjegati l-oħra inklużi f'dawn il-kategoriji għandhom jiġu kkomunikati perjodikament lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri.

KAPITOLU VI

PRIVILEĠĠI U IMMUNITAJIET TAL-MISSJONIJIET TA' PAJJIŻI TERZI AKKREDITATI GĦALL-UNJONI

Artikolu 16

L-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-Unjoni għandha s-sede tagħha għandu jagħti l-privileġġi u l-immunitajiet diplomatiċi skond il-konswetudini lil missjonijiet fi Stati terzi akkreditati għall-Unjoni.

KAPITOLU VII

DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 17

Il-privileġġi, l-immunitajiet u l-faċilitajiet għandhom jiġu akkordati lill-uffiċjali u l-impjegati oħra ta' l-Unjoni unikament fl-interessi ta' l-Unjoni.

Kull istituzzjoni ta' l-Unjoni għandha l-obbligu li tneħħi din l-immunità mogħtija, lil uffiċjal jew lil impjegat ieħor, kull meta dik l-istituzzjoni tikkunsidra li t-tneħħija ta' din l-immunità ma tmurx kontra l-interessi ta' l-Unjoni.

Artikolu 18

L-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni għandhom, għall-iskop li jiġi applikat dan il-Protokoll, jikkoperaw ma' l-awtoritajiet responsabbli ta' l-Istati Membri kkonċernati.

Artikolu 19

L-Artikoli 11 sa 14 u l-Artikolu 17 għandhom japplikaw għall-membri tal-Kummissjoni.

Artikolu 20

L-Artikoli 11 sa 14 u l-Artikolu 17 għandhom japplikaw għall-Imħallfin, l-Avukati Ġenerali, r-Reġistraturi u l-Assistenti Relaturi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea, mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea, fir-rigward ta' immunità minn proċedimenti legali ta' l-Imħallfin u l-Avukati Ġenerali.

L-Artikoli 11 sa 14 u l-Artikolu 17 għandhom japplikaw wkoll għall-membri tal-Qorti ta' l-Awdituri.

Artikolu 21

Dan il-Protokoll għandu jkun japplika wkoll għall-Bank Ċentrali Ewropew, għall-membri ta' l-organi tiegħu u għall-persunal tiegħu, mingħajr preġudizzju għall-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew.

Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu, barra minn hekk, ikun eżentat minn kull għamla ta' tassazzjoni jew imposizzjoni ta' xorta simili f'każ ta' xi żieda fil-kapital tiegħu u mid-diversi formalitajiet li jistgħu jkollhom x'jaqsmu ma' dan, fl-Istat fejn il-Bank ikollu s-sede tiegħu. L-attivitajiet tal-Bank u ta' l-organi tiegħu mwettqa skond l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew m'għandhomx ikunu suġġetti għal xi taxxa fuq it-turnover.

Artikolu 22

Dan il-Protokoll għandu jkun japplika wkoll għall-Bank Ewropew ta' l-Investiment, għall-membri ta' l-organi tiegħu, għall-persunal tiegħu u għar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri li jkunu qed jieħdu sehem fl-attivitajiet tiegħu, mingħajr preġudizzju għall-Protokoll fuq l-Istatut tal-Bank.

Il-Bank Ewropew ta' l-Investiment għandu, barra minn hekk, ikun eżentat minn kull għamla ta' tassazzjoni jew imposizzjoni ta' xorta simili f'każ ta' xi żieda fil-kapital tiegħu u mid-diversi formalitajiet li jistgħu jkollhom x'jaqsmu ma' dan fl-Istat fejn il-Bank ikollu s-sede tiegħu. Bl-istess mod, ix-xoljiment jew l-istralċ tiegħu m'għandhom jagħtu lok għal ebda imposizzjoni. Finalment, l-attivitajiet tal-Bank u ta' l-organi tiegħu mwettqa skond l-Istatut tiegħu m'għandhomx ikunu suġġetti għal xi taxxa fuq it-turnover.

8.   

PROTOKOLL DWAR IT-TRATTATI U L-ATTI TA' ADEŻJONI TAR-RENJU TAD-DANIMARKA, L-IRLANDA U R-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA' FUQ, TAR-REPUBBLIKA ELLENIKA, TAR-RENJU TA' SPANJA U R-REPUBBLIKA PORTUGIŻA, U TAR-REPUBBLIKA TA' L-AWSTRIJA, R-REPUBBLIKA TAL-FINLANDJA U R-RENJU TA' L-ISVEZJA

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

FILWAQT LI JFAKKRU li r-Renju tad-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq ingħaqdu mal-Komunitajiet Ewropej fl-1 ta' Jannar 1973; li r-Repubblika Ellenika ingħaqdet mal-Komunitajiet Ewropej fl-1 ta' Jannar 1981; li r-Renju ta' Spanja u r-Repubblika Portugiża ingħaqdu mal-Komunitajiet Ewropej fl-1 ta' Jannar 1986; li r-Repubblika ta' l-Awstrija, r-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju ta' l-Isvezja ingħaqdu fl-1 ta' Jannar 1995 mal-Komunitajiet Ewropej u ma' l-Unjoni Ewropea stabbilita bit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

WARA LI KKUNSIDRAW LI l-Artikolu IV-437(2) tal-Kostituzzjoni jipprevedi li t-Trattati dwar l-adeżjonijiet previsti hawn fuq għandhom jiġu mħassra;

WARA LI KKUNSIDRAW LI ċerti disposizzjonijiet li jidhru f'dawk it-Trattati ta' Adeżjoni u fl-Atti annessi magħhom jibqgħu rilevanti; u li l-Artikolu IV-437(2) tal-Kostituzzjoni jipprevedi li disposizzjonijiet bħal dawn iridu jiġu stabbiliti jew previsti fi Protokoll, sabiex jibqgħu fis-seħħ u biex l-effetti legali tagħhom jiġu ppreservati;

BILLI dawn id-disposizzjonijiet jeħtieġu l-aġġustamenti tekniċi meħtieġa biex jiġu allinjati mal-Kostituzzjoni mingħajr ma jinbidel l-effett legali tagħhom;

FTEHMU dwar id-disposizzjonijiet li ġejjin, li huma annessi mat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika:

TITOLU I

DISPOSIZZJONIJIET KOMUNI

Artikolu 1

Id-drittijiet u r-responsabbiltajiet li jirriżultaw mit-Trattati ta' Adeżjoni previsti fl-Artikolu IV-437(2)(a) sa (d) tal-Kostituzzjoni ġew fis-seħħ, taħt il-kondizzjonijiet stipulati f'dawk it-Trattati, fid-dati li ġejjin:

a)

L-1 ta' Jannar 1973, għat-Trattat dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq;

b)

L-1 ta' Jannar 1981, għat-Trattat dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Ellenika;

ċ)

L-1 ta' Jannar 1986, għat-Trattat dwar l-adeżjoni tar-Renju ta' Spanja u r-Repubblika Portugiża;

d)

L-1 ta' Jannar 1995, għat-Trattat dwar l-adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Awstrija, r-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju ta' l-Isvezja.

Artikolu 2

1.   L-Istati aderenti previsti fl-Artikolu 1 għandhom ikunu obbligati li jaderixxu mal-ftehim jew konvenzjonijiet konklużi qabel l-adeżjonijiet rispettivi tagħhom, sakemm dawn il-ftehim jew il-konvenzjonijiet għadhom fis-seħħ:

a)

ftehim jew konvenzjonijiet konklużi bejn l-Istati Membri l-oħra li huma bbażati fuq it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika jew it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, jew li ma jistgħux jinfirdu mill-kisba tal-miri ta' dawn it-Trattati, jew li għandhom x'jaqsmu mal-funzjonament tal-Komunitajiet jew ta' l-Unjoni jew li huma konnessi ma' l-attivitajiet tagħhom;

b)

ftehim jew konvenzjonijiet magħmulin mill-Istati Membri l-oħra, konġuntement mal-Komunitajiet Ewropej, ma' Stat jew Stati terzi jew ma' organizzazzjoni internazzjonali, u l-ftehim li għandhom x'jaqsmu ma' dawn il-ftehim jew konvenzjonijiet. L-Unjoni u l-Istati Membri l-oħra għandhom jgħinu lill-Istati aderenti msemmija fl-Artikolu 1 f'dan ir-rigward.

2.   L-Istati aderenti msemmija fl-Artikolu 1 għandhom jieħdu l-miżuri xierqa, fejn meħtieġ, biex jaġġustaw il-posizzjoni tagħhom fir-rigward ta' organizzazzjonijiet internazzjonali u fir-rigward ta' dawk il-ftehim internazzjonali li tagħhom l-Unjoni jew il-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika jew Stati Membri oħra huma wkoll parti, u fir-rigward tad-drittijiet u l-obbligi li jinħolqu bl-adeżjoni tagħhom.

Artikolu 3

Id-disposizzjonijiet ta' l-Atti ta' Adeżjoni, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej u l-Qorti Ġenerali, li l-iskop jew l-effett tagħhom hu li jħassar jew jemenda, ħlief b'titolu transitorju, atti adottati mill-istituzzjonijiet, korpi jew aġenziji tal-Komunitajiet Ewropej jew ta' l-Unjoni Ewropea stabbilita bit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, għandhom jibqgħu fis-seħħ, bla ħsara għat-tieni paragrafu.

Id-disposizzjonijiet msemmija fl-ewwel paragrafu għandu jkollhom l-istess status ġuridiku bħall-atti li jħassru jew jemendaw u għandhom ikunu suġġetti għall-istess regoli bħal dawk l-atti.

Artikolu 4

It-testi ta' l-atti ta' l-istituzzjonijiet, korpi u aġenziji tal-Komunitajiet Ewropej jew ta' l-Unjoni Ewropea stabbiliti bit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li ġew adottati qabel l-adeżjonijiet previsti fl-Artikolu 1 u li wara kienu stabbiliti mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni fil-lingwi Ingliża u Daniża, fil-lingwa Griega, fil-lingwi Spanjola u Portugiża, fil-lingwi Finlandiża u Svediża, għandhom ikunu awtentiċi mid-data ta' l-adeżjonijiet rispettivi previsti fl-Artikolu 1, bl-istess kondizzjonijiet bħat-testi stabbiliti u awtentiċi fil-lingwi l-oħrajn.

Artikolu 5

Liġi Ewropea tal-Kunsill tista' tħassar d-disposizzjonijiet transitorji stabbiliti f'dan il-Protokoll, meta ma jibqgħux iżjed applikabbli. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew.

TITOLU II

DISPOSIZZJONIJIET MEĦUDA MILL-ATT DWAR IL-KONDIZZJONIJIET TA' L-ADEŻJONI TAR-RENJU TAD-DANIMARKA, L-IRLANDA U R-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA' FUQ

SEZZJONI 1

Disposizzjonijiet dwar Ġibiltà

Artikolu 6

1.   Atti ta' l-istituzzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-prodotti fl-Anness I tal-Kostituzzjoni u l-prodotti li, meta jiġu mpurtati fl-Unjoni, huma suġġetti għal regoli speċifiċi bħala riżultat ta' l-implimentazzjoni tal-politika agrikola komuni, kif ukoll l-atti dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq it-turnover, m'għandhomx japplikaw għall-Ġibiltà ħlief jekk il-Kunsill jadotta deċiżjoni Ewropea li tipprovdi mod ieħor. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu, fuq proposta mill-Kummissjoni.

2.   Is-sitwazzjoni ta' Ġibiltà kif definita fil-punt VI ta' l-Anness II (1) ta' l-Att dwar il-kondizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq għandha tinżamm.

SEZZJONI 2

Disposizzjonijiet dwar il-Gżejjer Faroe

Artikolu 7

Ċittadini Daniżi residenti fil-Gżejjer Faroe għandhom jiġu kkunsidrati bħala ċittadini ta' Stat Membru fit-tifsira tal-Kostituzzjoni biss mid-data meta l-Kostituzzjoni ssir applikabbli għal dawk il-gżejjer.

SEZZJONI 3

Disposizzjonijiet dwar iċ-Channel Islands u l-Isle of Man

Artikolu 8

1.   Ir-regoli ta' l-Unjoni dwar materji doganali u restrizzjonijiet kwantitattivi, speċjalment dazji, piżijiet li għandhom effett ekwivalenti u t-Tariffa Doganali Komuni, għandhom japplikaw għaċ-Channel Islands u l-Isle of Man bl-istess kondizzjonijiet kif japplikaw għar-Renju Unit.

2.   Fir-rigward ta' prodotti agrikoli u prodotti proċessati minnhom, li huma suġġetti għal xi reġim kummerċjali speċjali, jiġu applikati għal pajjiżi terzi, t-taxxi u miżuri oħra ta' importazzjoni stipulati fir-regoli ta' l-Unjoni u applikabbli mir-Renju Unit.

Dawk id-disposizzjonijiet fir-regoli ta' l-Unjoni li huma meħtieġa biex jippermettu l-moviment liberu u l-osservanza tal-kondizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni u l-kummerċ ta' dawn il-prodotti, għandhom japplikaw ukoll.

Il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta r-regolamenti jew deċiżjonijiet Ewropej li jistabbilixxu l-kondizzjonijiet li taħthom id-disposizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni subparagrafu għandhom japplikaw għal dawn it-territorji.

Artikolu 9

Id-drittijiet li jgawdu ċ-ċittadini taċ-Channel Islands jew ta' l-Isle of Man fir-Renju Unit m'għandhomx jiġu milquta mid-dritt ta' l-Unjoni. Madankollu, dawn il-persuni m'għandhomx igawdu mid-disposizzjonijiet tal-liġi Ewropea li għandhom x'jaqsmu mal-moviment liberu ta' persuni u ta' servizzi.

Artikolu 10

Id-disposizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika applikabbli għal persuni jew impriżi skond it-tifsira ta' l-Artikolu 196 ta' dak it-Trattat għandhom japplikaw għal dawk il-persuni jew impriżi meta jkunu stabbiliti fuq it-territorji previsti fl-Artikolu 8 ta' dan il-Protokoll.

Artikolu 11

L-awtoritajiet tat-territorji previsti fl-Artikolu 8 għandhom jagħtu l-istess trattament lil persuni kollha fiżiċi u ġuridiċi ta' l-Unjoni.

Artikolu 12

Jekk, waqt l-applikazzjoni ta' l-arranġamenti definiti f'din is-Sezzjoni, jinqalgħu xi diffikultajiet fuq naħa jew oħra fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u t-territorji previsti fl-Artikolu 8, il-Kummissjoni għandha, bla dewmien, tipproponi lill-Kunsill dawk il-miżuri ta' salvagwardja li jidhrilha meħtieġa, u għandha tispeċifika l-modalitajiet u l-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħhom.

Il-Kunsill għandu jadotta r-regolamenti jew d-deċiżjonijiet Ewropej xierqa fi żmien xahar.

Artikolu 13

F'din is-Sezzjoni, ċittadin taċ-Channel Islands u ta' l-Isle of Man għandu jfisser kull ċittadin Britanniku li għandu dik iċ-ċittadinanza minħabba li hu, wieħed mill-ġenituri jew min-nanniet tiegħu twieled, ġie adottat, naturalizzat jew reġistrat fil-gżejjer in kwistjoni. Madankollu, għal dan l-iskop, persuna bhal din m'għandhiex tkun meqjusa bħala ċittadin taċ-Channel Islands u ta' l-Isle of Man jekk hi, jew wieħed mill-ġenituri jew min-nanniet tagħha, twieldet, ġiet adottata, naturalizzata jew reġistrata fir-Renju Unit. L-anqas m'għandha tkun hekk meqjusa jekk hi għal xi żmien kienet b'mod ordinarju residenti fir-Renju Unit għall-ħames snin.

L-arranġamenti amministrattivi meħtieġa biex jidentifikaw dawn il-persuni jiġu notifikati lill-Kummissjoni.

SEZZJONI 4

Disposizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-politika ta' industrijalizzazzjoni u żvilupp ekonomiku fl-Irlanda

Artikolu 14

L-Istati Membri jieħdu nota tal-fatt li l-Gvern ta' l-Irlanda beda l-implimentazzjoni ta' politika ta' industrijalizzazzjoni u żvilupp ekonomiku intiża biex il-livelli ta' l-għixien fl-Irlanda jiġu allinjati ma' dawk l-Istati Membri l-oħra u biex jiġi eliminat in-nuqqas ta' impjieg filwaqt li d-differenzi reġjonali fil-livelli ta' żvilupp jitnaqqsu progressivament.

Huma jirrikonoxxu li jkun fl-interess komuni tagħhom li l-għanijiet ta' din il-politika jintlaħqu u jaqblu li jirrakkomandaw għal dan il-għan li l-istituzzjonijiet jimplimentaw il-mezzi u l-proċeduri kollha stabbiliti bil-Kostituzzjoni, b'mod partikolari billi jsir użu xieraq tar-riżorsi ta' l-Unjoni destinati biex jinkisbu l-miri tagħha.

L-Istati Membri jirrikonoxxu b'mod partikolari li fl-applikazzjoni ta' l-Artikoli III-167 u III-168 tal-Kostituzzjoni, jkun meħtieġ li jitqiesu l-miri ta' espansjoni ekonomika u żieda fil-livell ta' l-għixien tal-popolazzjoni.

SEZZJONI 5

Disposizzjonijiet dwar l-iskambju ta' informazzjoni mad-Danimarka fil-qasam ta' l-enerġija nukleari

Artikolu 15

1.   Mill-1 ta' Jannar 1973, dik l-informazzjoni li tkun ġiet ikkomunikata lill-Istati Membri, persuni jew impriżi, skond l-Artikolu 13 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, għandha titqiegħed għad-disposizzjoni tad-Danimarka, li għandha tiddistribwiha b'mod limitat fit-territorju tagħha skond il-kondizzjonijiet stipulati f'dak l-Artikolu.

2.   Mill-1 ta' Jannar 1973, id-Danimarka għandha tqiegħed għad-disposizzjoni tal-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika volum ekwivalenti ta' informazzjoni fis-setturi speċifikati fil-paragrafu 3. Din l-informazzjoni għandha titniżżel b'mod dettaljat f'dokument li jintbagħat lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika din l-informazzjoni lill-impriżi tal-Komunità taħt il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 13 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika.

3.   Is-setturi li dwarhom id-Danimarka għandha tqiegħed informazzjoni għad-disposizzjoni tal-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika huma dawn li ġejjin:

a)

reattur DOR moderat bl-ilma tqil u mkessaħ b'likwidu organiku;

b)

reatturi DT - 350, DK - 400 bl-ilma tqil b'vaska ta' pressjoni;

ċ)

ċirkuwitu ta' gass b'temperatura għolja;

d)

sistemi ta' strumenti u tagħmir elettroniku speċjali;

e)

affidabbiltà;

f)

fiżika tar-reatturi, dinamika tar-reatturi u skambju ta' sħana;

g)

ittestjar fil-pila ta' materjali u tagħmir.

4.   Id-Danimarka għandha tintrabat li tipprovdi lill-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika b'kull informazzjoni komplimentari għar-rapporti li tikkomunika, b'mod partikolari waqt żjajjar mill-persunal tal-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika jew persunal mill-Istati Membri fic-Ċentru Risö, taħt kondizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti bi qbil bejniethom f'kull każ.

Artikolu 16

1.   F'dawk is-setturi li dwarhom id-Danimarka tqiegħed informazzjoni għad-disposizzjoni tal-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, meta mitluba, l-awtoritajiet kompetenti għandhom joħorġu liċenzi fuq bażi kummerċjali lil Stati Membri, persuni u impriżi tal-Komunità meta għandhom drittijiet esklużivi fuq privattivi reġistrati fi Stati Membri, u sakemm m'għandhom l-ebda obbligu jew impenn fir-rigward ta' terzi biex jagħtu jew joffru liċenza esklużiva jew parzjalment esklużiva għad-drittijiet fuq dawn il-privattivi.

2.   Fejn tkun ingħatat liċenza esklużiva jew parzjalment esklużiva, d-Danimarka għandha tinkoraġġixxi u tiffaċilita l-għoti ta' sottoliċenzi fuq bażi kummerċjali lil Stati Membri, persuni u impriżi tal-Komunità minn dawk li għandhom dawn il-liċenzi.

Dawn il-liċenzi esklużivi jew parzjalment esklużivi għandhom jingħataw fuq bażi kummerċjali normali.

SEZZJONI 6

Disposizzjonijiet dwar l-iskambju ta' informazzjoni ma' l-Irlanda fil-qasam ta' l-enerġija nukleari

Artikolu 17

1.   Mill-1 ta' Jannar 1973, dik l-informazzjoni li tkun ġiet ikkomunikata lill-Istati Membri, lil persuni u lil impriżi, skond l-Artikolu 13 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, għandha titqiegħed għad-disposizzjoni ta' l-Irlanda, li għandha tiddistribwiha b'mod limitat fit-territorju tagħha skond il-kondizzjonijiet stipulati f'dak l-Artikolu.

2.   Mill-1 ta' Jannar 1973, l-Irlanda għandha tqiegħed għad-disposizzjoni tal-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika informazzjoni miksuba fil-qasam nukleari fl-Irlanda, li tinxtered b'mod ristrett, sakemm ma jkunux involuti applikazzjonijiet strettament kummerċjali. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika din l-informazzjoni lill-intrapriżi tal-Komunità taħt il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 13 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika.

3.   L-informazzjoni prevista fil-paragrafi (1) u (2) għandha tikkonċerna prinċipalment studji għall-iżvilupp ta' reattur għall-enerġija u xogħol fuq radioisotopi u l-applikazzjoni tagħhom fil-mediċina, inklużi l-problemi ta' protezzjoni mir-radjazzjoni.

Artikolu 18

1.   F'dawk is-setturi li dwarhom l-Irlanda tqiegħed informazzjoni għad-disposizzjoni tal-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, meta mitluba, l-awtoritajiet kompetenti għandhom joħorġu liċenzi fuq bażi kummerċjali lil Stati Membri, persuni u impriżi tal-Komunità meta għandhom drittijiet esklużivi fuq privattivi reġistrati fi Stati Membri, u sakemm m'għandhom l-ebda obbligu jew impenn fir-rigward ta' terzi biex jagħtu jew joffru liċenza esklużiva jew parzjalment esklużiva, għad-drittijiet fuq dawk il-privattivi.

2.   Meta tkun ingħatat liċenza esklużiva jew parzjalment esklużiva, l-Irlanda għandha tinkoraġġixxi u tiffaċilita l-għoti ta' sottoliċenzi fuq bażi kummerċjali lil Stati Membri, persuni u impriżi tal-Komunità minn dawk li għandhom dawn il-liċenzi.

Dawn il-liċenzi esklużivi jew parzjalment esklużivi għandhom jingħataw fuq bażi kummerċjali normali.

SEZZJONI 7

Disposizzjonijiet dwar l-iskambju ta' informazzjoni mar-Renju Unit fil-qasam ta' l-enerġija nukleari

Artikolu 19

1.   Mill-1 ta' Jannar 1973, dik l-informazzjoni li tkun ġiet ikkomunikata lill-Istati Membri, lil persuni jew impriżi, skond l-Artikolu 13 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, għandha titqiegħed għad-disposizzjoni tar-Renju Unit, li għandu jiddistribwiha b'mod limitat fit-territorju tiegħu taħt il-kondizzjonijiet stipulati f'dak l-Artikolu.

2.   Mill-1 ta' Jannar 1973, ir-Renju Unit għandu jqiegħed għad-dispozizzjoni tal-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika volum ekwivalenti ta' informazzjoni fis-setturi speċifikati fil-lista li tinsab fl-Anness (2) għall-Protokoll Nru. 28 ta' l-Att dwar il-kondizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq. Din l-informazzjoni għandha titniżżel b'mod dettaljat f'dokument li jintbagħat lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika din l-informazzjoni lill-impriżi tal-Komunità taħt il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 13 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika.

3.   Minħabba l-ikbar interess tal-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika f'ċerti setturi, r-Renju Unit għandu jagħmel enfasi speċjali fuq it-trasmissjoni ta' informazzjoni fis-setturi li ġejjin:

a)

riċerka u żvilupp fir-rigward ta' reatturi veloċi (u inkluża s-sigurtà);

b)

riċerka fundamentali (applikabbli għal tipi ta' reatturi);

ċ)

sigurtà tar-reatturi (minbarra dik tar-reatturi veloċi);

d)

metallurġija, azzar, legi taż-żirkonju u konkrit;

e)

kompatibilità ta' materjali strutturali;

f)

fabrikazzjoni sperimentali ta' karburant;

g)

termoidrodinamika;

h)

strumentazzjoni.

Artikolu 20

1.   F'dawk is-setturi li dwarhom ir-Renju Unit iqiegħed informazzjoni għad-disposizzjoni tal-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, meta mitluba, l-awtoritajiet kompetenti għandhom joħorġu liċenzi fuq bażi kummerċjali lil Stati Membri, persuni u impriżi tal-Komunità meta għandhom drittijiet esklużivi ta' privattivi reġistrati fi Stati Membri tal-Komunità, u sakemm m'għandhom l-ebda obbligu jew impenn fir-rigward ta' terzi li jagħtu jew joffru liċenza esklużiva jew parzjalment esklużiva għad-drittijiet f'dawn il-privattivi.

2.   Fejn tkun ingħatat liċenza esklużiva jew parzjalment esklużiva, r-Renju Unit għandu jinkoraġġixxi u jiffaċilita l-għoti ta' sottoliċenzi fuq bażi kummerċjali lill-Istati Membri, persuni u impriżi tal-Komunità minn dawk li għandhom liċenzi bħal dawn.

Dawn il-liċenzi esklużivi jew parzjalment esklużivi għandhom jingħataw fuq bażi kummerċjali normali.

TITOLU III

DISPOSIZZJONIJIET MEĦUDA MILL-ATT DWAR IL-KONDIZZJONIJIET TA' L-ADEŻJONI TAR-REPUBBLIKA ELLENIKA

SEZZJONI 1

Disposizzjonijiet dwar l-għoti mill-Greċja ta' eżenzjoni minn dazji fuq l-importazzjoni ta' ċerta merkanzija

Artikolu 21

L-Artikolu III-151 tal-Kostituzzjoni m'għandux ikun ostaklu għar-Repubblika Ellenika li żżomm fis-seħħ miżuri ta' eżenzjoni mogħtija qabel l-1 ta' Jannar 1979 skond:

a)

Il-Liġi Nru. 4171/61 (Miżuri ġenerali biex jgħinu l-iżvilupp ta' l-ekonomija tal-pajjiż),

b)

Id-Digriet Nru. 2687/53 (Investiment u protezzjoni ta' kapital barrani);

ċ)

Il-Liġi Nru. 289/76 (Inċentivi għall-promozzjoni ta' l-iżvilupp ta' reġjuni fil-fruntieri u li jirregolaw il-kwistjonijiet kollha rilevanti),

sa l-iskadenza tal-ftehim konkluż mill-Gvern tar-Repubblika Ellenika ma' dawk il-persuni li qed jibbenefikaw minn dawk il-miżuri.

SEZZJONI 2

Disposizzjonijiet dwar it-tassazzjoni

Artikolu 22

L-atti elenkati fil-punt II.2 ta' l-Anness VIII (3) ta' l-Att dwar il-kondizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Repubblika Ellenika għandhom japplikaw fir-rigward tar-Repubblika Ellenika taħt il-kondizzjonijiet stipulati f'dak l-Anness, bl-eċċezzjoni tar-referenzi għall-punti 9 u 18(b) tiegħu.

SEZZJONI 3

Disposizzjonijiet dwar il-qoton

Artikolu 23

1.   Din is-Sezzjoni tikkonċerna l-qoton, li mhux imqardax jew mimxut, li jiġi taħt is-sub-inċiż Nru. 5201 00 tan-Nomenklatura Maqgħuda.

2.   Għandha tiġi introdotta sistema fl-Unjoni partikolarment biex:

a)

issostni l-produzzjoni tal-qoton f'reġjuni ta' l-Unjoni fejn hi mportanti għall-ekonomija agrikola;

b)

tippermetti l-produtturi kkonċernati dħul ġust;

ċ)

tistabbilizza s-suq permezz ta' titjib strutturali fil-livell ta' domanda u marketing.

3.   Is-sistema prevista fil-paragrafu 2 għandha tinkludi l-għoti ta' għajnuna għall-produzzjoni.

4.   Sabiex il-produtturi tal-qoton jistgħu jikkonċentraw l-offerta u jadattaw il-produzzjoni għall-ħtiġijiet tas-suq, għandha tiġi introdotta sistema biex tinkoraġġixxi l-formazzjoni ta' gruppi ta' produtturi u federazzjonijiet ta' dawn il-gruppi.

Din is-sistema għandha tipprovdi għall-għoti ta' għajnuniet biex tipprovdi inċentivi għall-formazzjoni ta' gruppi ta' produtturi, u għall-għajnuna fil-funzjonament tagħhom.

Dawn il-gruppi li ġejjin biss jistgħu jibbenefikaw minn din is-sistema:

a)

dawk li jiġu ffurmati fuq l-inizjattiva tal-produtturi nnifishom;

b)

dawk li joffru garanzija suffiċjenti għat-tul u l-effettività ta' l-azzjoni tagħhom;

ċ)

dawk li jkunu rikonoxxuti mill-Istat Membru kkonċernat.

5.   Is-sistema kummerċjali ta' l-Unjoni ma' pajjiżi terzi m'għandiex tiġi milquta. F'dan ir-rigward, b'mod partikolari, ma tista' tiġi stipulata l-ebda miżura li tirrestrinġi l-importazzjoni.

6.   Liġi Ewropea tal-Kunsill, għandha tistabbilixxi l-aġġustamenti meħtieġa fis-sistema introdotta skond din is-Sezzjoni.

Il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta r-regolamenti u d-deċiżjonijiet Ewropej li jistabbilixxu r-regoli ġenerali meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-disposizzjonijiet ta' din is-Sezzjoni.

Il-Kunsill għandu jaġixxi, wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew.

SEZZJONI 4

Disposizzjonijiet dwar l-iżvilupp ekonomiku u industrijali tal-Greċja

Artikolu 24

L-Istati Membri jieħdu nota tal-fatt li l-Gvern tar-Repubblika Ellenika beda l-implimentazzjoni ta' politika ta' industrijalizzazzjoni u żvilupp ekonomiku intiża biex il-livelli ta' l-għixien fil-Greċja jiġu allinjati ma' dawk ta' l-Istati Membri l-oħra u biex telimina n-nuqqas ta' impjieg filwaqt li d-differenzi reġjonali fil-livelli ta' żvilupp jitnaqqsu progressivament.

Huma jirrikonoxxu li hu fl-interess komuni tagħhom li l-miri ta' din il-politika jintlaħqu b'dan il-mod.

Għal dan il-għan, l-istituzzjonijiet għandhom jimplimentaw il-mezzi u l-proċeduri kollha stipulati mill-Kostituzzjoni, b'mod partikolari billi jsir użu xieraq tar-riżorsi ta' l-Unjoni intiżi biex jinkisbu il-miri tagħha.

B'mod partikolari, fejn japplikaw l-Artikoli III-167 u III-168 tal-Kostituzzjoni, jkun meħtieġ li jitqiesu l-miri ta' espansjoni ekonomika u ż-żieda fil-livell ta' l-għixien tal-popolazzjoni.

SEZZJONI 5

Disposizzjonijiet dwar l-iskambju ta' informazzjoni mal-Greċja fil-qasam ta' l-enerġija nukleari

Artikolu 25

1.   Mill-1 ta' Jannar 1981, dik l-informazzjoni li tkun ġiet ikkomunikata lill-Istati Membri, persuni jew impriżi, skond l-Artikolu 13 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, għandha titqiegħed għad-disposizzjoni tar-Repubblika Ellenika, li għandha tiddistribwiha b'mod limitat fit-territorju tagħha taħt il-kondizzjonijiet stipulati f'dak l-Artikolu.

2.   Mill-1 ta' Jannar 1981, ir-Repubblika Ellenika għandha tqiegħed għad-disposizzjoni tal-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika informazzjoni miksuba fil-qasam nukleari fil-Greċja, li tiġi distribwita b'mod limitat, sakemm ma jkunux involuti applikazzjonijiet strettament kummerċjali. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika din l-informazzjoni lill-impriżi tal-Komunità taħt il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 13 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika.

3.   L-informazzjoni prevista fil-paragrafi (1) u (2) għandha tikkonċerna l-aktar:

a)

studji dwar l-applikazzjoni ta' radioisotopi fl-oqsma li ġejjin: mediċina, agrikoltura, entomoloġija u protezzjoni ta' l-ambjent;

b)

l-applikazzjoni tat-teknoloġija nukleari għall-arkeometrija;

ċ)

l-iżvilupp ta' tagħmir elettroniku mediku;

d)

l-iżvilupp ta' metodi ta' esplorazzjoni għal minerali radjoattivi.

Artikolu 26

1.   F'dawk is-setturi li dwarhom ir-Repubblika Ellenika tqiegħed informazzjoni għad-disposizzjoni tal-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, l-awtoritajiet kompetenti, meta jirċievu talbiet, għandhom joħorġu liċenzi fuq bażi kummerċjali lill-Istati Membri. Persuni u impriżi tal-Komunità meta għandhom drittijiet esklużivi ta' privattivi reġistrati fi Stati Membri tal-Komunità u sakemm m'għandhom l-ebda obbligu jew impenn fir-rigward ta' terzi li jagħtu jew joffru li jagħtu liċenza esklużiva jew parzjalment esklużiva għad-drittijiet f'dawn il-privattivi.

2.   Fejn tkun ingħatat liċenza esklużiva jew parzjalment esklużiva, r-Repubblika Ellenika għandha tinkoraġġixxi u tiffaċilita l-għoti ta' sottoliċenzi fuq bażi kummerċjali lil Stati Membri, persuni u impriżi tal-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika minn dawk li għandhom liċenzi bħal dawn.

Dawn il-liċenzi esklużivi jew parzjalment esklużivi għandhom jingħataw fuq bażi kummerċjali normali.

TITOLU IV

DISPOSIZZJONIJIET MEĦUDA MILL-ATT DWAR IL-KONDIZZJONIJIET TA' L-ADEŻJONI TAR-RENJU TA' SPANJA U R-REPUBBLIKA PORTUGIŻA

SEZZJONI 1

Disposizzjonijiet finanzjarji

Artikolu 27

Ir-riżorsi proprji provduti mit-taxxa fuq il-valur miżjud għandhom jiġu kkalkolati u vverifikati bħallikieku l-Gżejjer Kanarji u Ċeuta u Melilla kienu nklużi fil-kamp ta' l-applikazzjoni territorjali tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li jirrigwardaw taxxi fuq it-turnover - sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima.

SEZZJONI 2

Disposizzjonijiet dwar privattivi

Artikolu 28

Id-disposizzjonijiet tal-leġislazzjoni nazzjonali Spanjola li għandhom x'jaqsmu mal-piż tal-prova, li kienu ġew adottati taħt il-paragrafu 2 tal-Protokoll Nru. 8 għall-Att dwar il-kondizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Renju ta' Spanja u r-Repubblika Portugiża, m'għandhomx japplikaw jekk il-proċeduri ta' ksur mibdija jkunu kontra d-detentur ta' privattiva oħra għall-manifattura ta' prodott identiku għal dak miksub bħala r-riżultat tal-proċess bil-privattiva ta' min iressaq l-ilment, jekk il-privattiva l-oħra kienet ġiet mogħtija qabel l-1 ta' Jannar 1986.

F'każijiet fejn l-ispostament tal-piż tal-prova ma japplikax, ir-Renju ta' Spanja għandu jibqa' jesiġi li min għandu l-privattiva jġib prova ta' ksur. F'dawn il-każijiet kollha, r-Renju ta' Spanja għandu japplika proċedura ġudizzjarja magħrufa bħala “deskrizzjoni-sekwestru”.

“Deskrizzjoni-sekwestru” tfisser proċedura, li tagħmel parti mis-sistema msemmija fl-ewwel u t-tieni paragrafi li biha kull persuna ntitolata li tressaq azzjoni għal ksur tista', b'deċiżjoni tal-qorti, mogħtija fuq talba tagħha, iġġiegħel li ssir, fl-istabbiliment ta' dak li allegatament hu ħati tal-ksur, minn uffiċjal tal-qorti mgħejjun minn esperti, deskrizzjoni dettaljata tal-proċessi in kwistjoni, b'mod partikolari bil-fotokopji ta' dokumenti tekniċi, flimkien ma' sekwestru jew mingħajru. Din id-deċiżjoni tal-qorti tista' tordna kawzjoni biex tikkumpensa għad-danni u l-interessi lil dak li hu allegatament ħati, jekk tiġi kkaġunata lilu ħsara mid-“deskrizzjoni-sekwestru”.

Artikolu 29

Id-disposizzjonijiet tal-leġislazzjoni nazzjonali Portugiża li għandhom x'jaqsmu mal-piż tal-prova, li kienu ġew adottati taħt il-paragrafu 2 tal-Protokoll Nru. 19 għall-Att dwar il-kondizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Renju ta' Spanja u r-Repubblika Portugiża, m'għandhomx japplikaw jekk il-proċeduri ta' ksur mibdija jkunu kontra d-detentur ta' privattiva oħra għall-manifattura ta' prodott identiku għal dak miksub bħala r-riżultat tal-proċess bil-privattiva ta' min iressaq l-ilment, jekk il-privattiva l-oħra kienet ġiet mogħtija qabel l-1 ta' Jannar 1986.

F'każijiet fejn l-ispostament tal-piż tal-prova ma japplikax, ir-Repubblika Portugiża għandha tibqa' tesiġi li min għandu l-privattiva jġib prova ta' ksur. F'dawn il-każijiet kollha, r-Repubblika Portugiża għandha tapplika proċedura ġudizzjarja magħrufa bħala “deskrizzjoni-sekwestru”.

“Deskrizzjoni-sekwestru” tfisser proċedura, li tagħmel parti mis-sistema msemmija fl-ewwel u t-tieni paragrafi li biha kull persuna ntitolata li tressaq azzjoni għal ksur tista', b'deċiżjoni tal-qorti, mogħtija fuq talba tagħha, iġġiegħel li ssir, fl-istabbiliment ta' dak li allegatament hu ħati tal-ksur, minn uffiċjal tal-qorti mgħejjun minn esperti, deskrizzjoni dettaljata tal-proċessi in kwistjoni, b'mod partikolari bil-fotokopji ta' dokumenti tekniċi, flimkien ma' sekwestru jew mingħajru. Din id-deċiżjoni tal-qorti tista' tordna kawzjoni biex tikkumpensa għad-danni u l-interessi lil dak li hu allegatament ħati, jekk tiġi kkaġunata lilu ħsara mid-“deskrizzjoni-sekwestru”.

SEZZJONI 3

Disposizzjonijiet dwar il-mekkaniżmu għal responsabbiltajiet addizzjonali fil-qafas tal-ftehim tas-sajd konkluż bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi

Artikolu 30

1.   B'dan qed tiġi stabbilita sistema speċifika għall-eżekuzzjoni ta' operazzjonijiet imwettqa biex jikkomplementaw l-attivitajiet tas-sajd minn bastimenti li jtellgħu l-bandiera ta' Stat Membru f'ibħra li jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta' pajjiż terz fil-qafas ta' rensposabbiltajiet maħluqa taħt ftehim dwar is-sajd konluż mill-Unjoni mal-pajjiżi terzi in kwistjoni.

2.   Operazzjonijiet meqjusa li jistgħu jsiru bħala żieda għall-attivitajiet tas-sajd bla ħsara għall-kondizzjonijiet u fil-limiti previsti fil-punti 3 u 4 għandhom x'jaqsmu ma':

a)

l-ipproċessar, fit-territorju tal-pajjiż terz kkonċernat, ta' prodotti tas-sajd maqbuda minn bastimenti li jtellgħu l-bandiera ta' Stat Membru fl-ibħra ta' dak il-pajjiż terz waqt attivitajiet tas-sajd li jsiru permezz ta' ftehim dwar is-sajd, bl-għan li dawk il-prodotti jitqiegħdu fis-suq ta' l-Unjoni taħt intestaturi ta' tariffi li jaqgħu taħt il-Kapitolu 3 tat-Tariffa Doganali Komuni;

b)

it-tagħbija jew it-trasbord fuq bastiment li jtella' il-bandiera ta' Stat Membru li jsir fil-qafas ta' attivitajiet previsti f'dan il-ftehim dwar is-sajd, ta' prodotti tas-sajd li jaqgħu taħt il-Kapitolu 03 tat-Tariffa Doganali Komuni bl-għan li jiġu trasportati u kull proċessar bil-għan li jitqiegħed fis-suq ta' l-Unjoni.

3.   L-importazzjoni fl-Unjoni ta' prodotti li kienu s-suġġett ta' l-operazzjonijiet previsti fil-paragrafu 2 għandha ssir soġġetta għas-sospensjoni, parzjalment jew għal kollox, tad-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni jew soġġetta għal sistema speċjali ta' piżijiet, taħt il-kondizzjonijiet u fil-limiti ta' żieda ffissata kull sena fir-rigward tal-volum ta' possibiltajiet ta' sajd li joħorġu mill-ftehim in kwistjoni u mir-regoli dettaljati li jakkumpanjawhom.

4.   Il-liġi jew liġi kwadru Ewropea għandha tistipula r-regoli ġenerali ta' applikazzjoni ta' din is-sistema, u b'mod partikolari l-kriterji biex jiġu ffissati u mqassma l-kwantitajiet kkonċernati

Ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' din is-sistema u l-kwantitajiet kkonċernati għandhom jiġu adottati skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 37 tar-Regolament (KE) Nru. 104/2000.

SEZZJONI 4

Disposizzjonijiet dwar Ċeuta u Melilla

Subsezzjoni 1

Disposizzjonijiet ġenerali

Artikolu 31

1.   Il-Kostituzzjoni u l-atti ta' l-istituzzjonijiet għandhom japplikaw għal Ċeuta u għal Melilla, bla ħsara għad-derogi previsti fil-paragrafi 2 u 3 u għad-disposizzjonijiet l-oħra ta' din is-Sezzjoni.

2.   Il-kondizzjonijiet li taħthom id-disposizzjonijiet tal-Kostituzzjoni dwar il-moviment liberu ta' merkanzija, u l-atti ta' l-istituzzjonijiet li jikkonċernaw leġislazzjoni doganali u politika kummerċjali għandhom japplikaw għal Ċeuta u għal Melilla huma stabbiliti fis-Subsezzjoni 3 ta' din is-Sezzjoni.

3.   Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet partikolari ta' l-Artikolu 32 l-atti ta' l-istituzzjonijiet dwar il-politika agrikola komuni u l-politika komuni tas-sajd m'għandhomx japplikaw għal Ċeuta jew għal Melilla.

4.   Fuq talba tar-Renju ta' Spanja, liġi Ewropea jew liġi kwadru tal-Kunsill tista':

a)

tinkludi lil Ċeuta u lil Melilla fit-territorju doganali ta' l-Unjoni;

b)

tiddefinixxi l-miżuri xierqa mmirati biex jestendu għal Ċeuta u għal Melilla d-disposizzjonijiet tad-dritt ta' l-Unjoni li jkunu fis-seħħ.

Fuq proposta mill-Kummissjoni, li taġixxi fuq l-inizjattiva tagħha jew fuq talba ta' Stat Membru, l-Kunsill, jista' jadotta liġi jew liġi kwadru Ewropea li taġġusta l-arranġamenti applikabbli għal Ċeuta u għal Melilla, jekk ikun neċessarju.

Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew.

Subsezzjoni 2

Disposizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-Politika Komuni tas-Sajd

Artikolu 32

1.   Bla ħsara għall-paragrafu 2 u bla preġudizzju għas-Subsezzjoni 3, il-politika komuni tas-sajd ma tapplikax għal Ċeuta jew għal Melilla.

2.   Il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jadotta l-liġijiet, liġijiet kwadru jew deċiżjonijiet Ewropej li:

a)

għandhom jistabbilixxu l-miżuri strutturali li jistgħu jiġu adottati favur Ċeuta u Melilla;

b)

għandhom jistabbilixxu l-proċeduri xierqa biex iqisu l-interessi kollha jew parti mill-interessi ta' Ċeuta u Melilla meta jadotta atti, każ b'każ, fir-rigward tan-negozjati mill-Unjoni mmirati biex jitkomplew jew jiġu konklużi ftehim dwar is-sajd ma' pajjiżi terzi u fir-rigward ta' l-interessi speċifiċi ta' Ċeuta u Melilla fil-kwadru ta' konvenzjonijiet internazzjonali dwar is-sajd, li tagħhom l-Unjoni hija parti kontraenti.

3.   Il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta liġijiet, liġijiet kwadru jew deċiżjonijiet Ewropej li għandhom jistabbilixxu, fejn xieraq, il-possibiltajiet u l-kondizzjonijiet ta' aċċess reċiproku għaż-żoni tas-sajd rispettivi u għar-riżorsi tagħhom. Għandu jaġixxi b'mod unanimu.

4.   Il-liġijiet u l-liġijiet kwadru Ewropej previsti fil-paragrafi 2 u 3 għandhom jiġu adottati wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew.

Subsezzjoni 3

Disposizzjonijiet dwar il-moviment liberu ta' merkanzija, leġislazzjoni doganali u politika kummerċjali

Artikolu 33

1.   Prodotti li joriġinaw f'Ċeuta jew f'Melilla, u prodotti li jiġu minn pajjiżi terzi, li jiġu impurtati f'Ċeuta jew f'Melilla skond l-arranġamenti li japplikaw għalihom hemmhekk, meta jiġu rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera fit-territorju doganali ta' l-Unjoni, m'għandhomx jitqiesu bħala merkanzija li tissoddisfa l-kondizzjonijiet tal-Artikolu III-151(1), (2) u (3) tal-Kostituzzjoni.

2.   It-territorju doganali ta' l-Unjoni m'għandux jinkludi lil Ċeuta u Melilla.

3.   Ħlief fejn previst mod ieħor f'din is-Subsezzjoni, l-atti ta' l-istituzzjonijiet dwar il-leġislazzjoni doganali għall-kummerċ esteru għandhom japplikaw taħt l-istess kondizzjonijiet għall-kummerċ bejn it-territorju doganali ta' l-Unjoni, min-naħa l-waħda, u Ċeuta u Melilla, min-naħa l-oħra.

4.   Ħlief meta din is-Subsezzjoni tipprovdi mod ieħor, l-atti ta' l-istituzzjonijiet li jirrigwardaw il-politika kummerċjali komuni, sew jekk ikunu awtonomi sew jekk magħmula bi ftehim, li huma marbuta direttament ma' l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta' merkanzija, m'għandhomx japplikaw għal Ċeuta jew għal Melilla.

5.   Ħlief fejn previst mod ieħor f'dan it-Titolu, fil-kummerċ tagħha ma' Ċeuta u Melilla, għal prodotti li jaqgħu taħt l-Anness I tal-Kostituzzjoni, l-Unjoni għandha tapplika l-arranġamenti ġenerali li hi tapplika fil-kummerċ esteru tagħha.

Artikolu 34

Bla preġudizzju għall-Artikolu 35, dazji doganali ta' l-importazzjoni fit-territorju doganali ta' l-Unjoni fuq prodotti li joriġinaw f'Ċeuta jew f'Melilla għandhom jiġu aboliti.

Artikolu 35

1.   Prodotti tas-sajd li jaqgħu taħt l-intestaturi Nri. 0301, 0302, 0303, 1604, 1605 u s-sottointestaturi 0511 91 u 2301 20 tat-Tariffa Doganali Komuni u li joriġinaw f'Ċeuta jew f'Melilla, għandhom, fil-limiti ta' kwoti tariffari kkalkolati skond il-prodott u skond il-kwantitajiet medji effettivament stabbiliti fl-1982, 1983 u 1984, jikkwalifikaw għal eżenzjoni mid-dazji doganali fit-territorju doganali kollu ta' l-Unjoni.

Ir-rilaxx ta' prodotti importati fit-territorju doganali ta' l-Unjoni għaċ-ċirkolazzjoni libera, taħt dawn il-kwoti tariffari, għandu jkun suġġett għall-osservanza tar-regoli stabbiliti mill-organizzazzjoni komuni tas-swieq u b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam ma' prezzijiet ta' referenza.

2.   Il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta kull sena regolamenti jew deċiżjonijiet Ewropej li jiftħu u jallokaw kwoti ta' tariffi skond ir-regoli dettaljati stipulati fil-paragrafu 1.

Artikolu 36

1.   Meta l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 34 tista' twassal għal żieda sostanzjali fl-importazzjoni ta' ċerti prodotti li joriġinaw f'Ċeuta jew f'Melilla b'mod li jista' jippreġudika lill-produtturi ta' l-Unjoni, l-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, jista' jadotta regolamenti jew deċiżjonijiet Ewropej biex jimponi kondizzjonijiet speċjali fuq l-aċċess ta' dawn il-prodotti għat-territorju doganali ta l-Unjoni.

2.   Jekk, minħabba li l-Politika Kummerċjali Komuni u t-Tariffa Doganali Komuni mhumiex applikati għall-importazzjoni ta' materja prima jew prodotti intermedji f'Ċeuta jew f'Melilla, l-importazzjoni ta' prodott li joriġina f'Ċeuta jew f'Melilla jikkawża, jew jista' jikkawża, ħsara serja lil xi attività ta' produzzjoni eżerċitata fi Stat Membru wieħed jew iżjed, il-Kummissjoni, fuq talba ta' Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tagħha, tista' tieħu l-miżuri xierqa.

Artikolu 37

Id-dazji doganali fuq l-importazzjoni f'Ċeuta u f'Melilla ta' prodotti li joriġinaw mit-territorju doganali ta' l-Unjoni, u piżijiet li għandhom effett ekwivalenti, għandhom jiġu aboliti.

Artikolu 38

Id-dazji doganali u l-piżijiet li għandhom effett ekwivalenti għal dawn id-dazji u l-arranġamenti kummerċjali applikati għall-importazzjoni f'Ċeuta u f'Melilla ta' merkanzija li toriġina minn pajjiż terz ma jistgħux ikunu inqas favorevoli minn dawk applikabbli mill-Unjoni skond l-impenji internazzjonali tagħha jew l-arranġamenti preferenzjali tagħha fir-rigward ta' dan il-pajjiż terz, sakemm dak l-istess pajjiż terz jagħti l-istess trattament lill-importazzjoni minn Ċeuta jew minn Melilla bħal dak li jagħti lill-Unjoni. Madankollu, l-arranġamenti applikati għall-importazzjoni f'Ċeuta u f'Melilla fir-rigward ta' merkanzija li tiġi minn dak il-pajjiż terz ma jistgħux ikunu iżjed favorevoli minn dawk applikati fir-rigward ta' importazzjoni ta' prodotti li joriġinaw mit-territorju doganali ta' l-Unjoni.

Artikolu 39

Il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta regolamenti jew deċiżjonijiet Ewropej li jistabbilixxu r-regoli għall-applikazzjoni ta' din is-Subsezzjoni, u b'mod partikolari r-regoli dwar l-oriġini applikabbli għall-kummerċ, kif previst fl-Artikoli 34, 35 u 37, inklużi d-disposizzjonijiet dwar l-identifikazzjoni ta' prodotti oriġinarji u l-kontroll ta' l-oriġini.

Ir-regoli jkunu jinkludu, b'mod partikolari, disposizzjonijiet dwar il-marki u/jew it-tikkettjar ta' prodotti, dwar il-kondizzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta' bastimenti, dwar l-applikazzjoni tar-regola dwar oriġini mħallta għall-prodotti tas-sajd, u wkoll disposizzjonijiet li bihom tista' tiġi determinata l-oriġini tal-prodotti.

SEZZJONI 5

Disposizzjonijiet dwar l-iżvilupp reġjonali ta' Spanja

Artikolu 40

L-Istati Membri jieħdu nota tal-fatt li l-Gvern Spanjol beda l-implimentazzjoni ta' politika ta' żvilupp reġjonali intiża b'mod partikolari biex tistimola tkabbir ekonomiku fir-reġjuni u żoni inqas żviluppati ta' Spanja.

Huma jirrikonoxxu li hu fl-interess komuni tagħhom li l-miri ta' din il-politika jintlaħqu.

Sabiex jgħinu lill-Gvern Spanjol iwettaq dan ix-xogħol, huma jaqblu, li jirrakkomandaw li l-istituzzjonijiet jimplimentaw il-mezzi u l-proċeduri kollha stabbiliti mill-Kostituzzjoni, partikolarment billi jużaw b'mod xieraq ir-riżorsi ta' l-Unjoni intiżi biex jinkisbu il-miri tagħha.

L-Istati Membri jirrikonoxxu b'mod partikolari illi fejn japplikaw l-Artikoli III-167 u III-168 tal-Kostituzzjoni, jkun meħtieġ li jqisu l-miri ta' espansjoni ekonomika u żieda fil-livell ta' l-għixien tal-popolazzjoni tar-reġjuni u ż-żoni inqas żviluppati ta' Spanja.

SEZZJONI 6

Disposizzjonijiet dwar l-iżvilupp ekonomiku u industrijali tal-Portugall

Artikolu 41

L-Istati Membri jieħdu nota tal-fatt li l-Gvern Portugiż beda l-implimentazzjoni ta' politika ta' industrijalizzazzjoni u żvilupp ekonomiku intiża biex il-livelli ta' l-għixien fil-Portugall jkunu allinjati ma' dawk ta' l-Istati Membri l-oħra u biex telimina n-nuqqas ta' impjieg filwaqt li d-differenzi reġjonali fil-livelli ta' żvilupp jitnaqqsu progressivament.

Huma jirrikonoxxu li hu fl-interess komuni tagħhom li l-miri ta' din il-politika jinkisbu.

Huma jaqblu li jirrakkomandaw għal dan il-għan li l-istituzzjonijiet jimplimentaw il-mezzi u l-proċeduri kollha stabbiliti mill-Kostituzzjoni, partikolarment billi jużaw b'mod xieraq ir-riżorsi ta' l-Unjoni intiżi għall-kisba tal-miri ta' din ta' l-aħħar.

L-Istati Membri jirrikonoxxu b'mod partikolari illi fejn japplikaw l-Artikoli III-167 u III-168 tal-Kostituzzjoni, jkun meħtieġ li jqisu l-miri ta' espansjoni ekonomika u żieda fil-livell ta' l-għixien tal-popolazzjoni.

SEZZJONI 7

Disposizzjonijiet dwar l-iskambju ta' informazzjoni mar-Renju ta' Spanja fil-qasam ta' l-enerġija nukleari

Artikolu 42

1.   Mill-1 ta' Jannar 1986, dik l-informazzjoni li tkun ġiet ikkomunikata lill-Istati Membri, persuni jew impriżi, skond l-Artikolu 13 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, għandha titqiegħed għad-disposizzjoni tar-Renju ta' Spanja, li għandu jiddistribwiha b'mod limitat fit-territorju tiegħu skond il-kondizzjonijiet stipulati f'dak l-Artikolu.

2.   Mill-1 ta' Jannar 1986, ir-Renju ta' Spanja għandu jqiegħed għad-disposizzjoni tal-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika l-informazzjoni miksuba fil-qasam nukleari fi Spanja, li tiġi distribwita b'mod limitat, sakemm ma jkunux involuti applikazzjonijiet strettament kummerċjali. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika din l-informazzjoni lill-impriżi tal-Komunità taħt il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 13 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika.

3.   L-informazzjoni prevista fil-paragrafi (1) u (2) għandha tikkonċerna l-aktar:

a)

fiżika nukleari (ta' enerġija baxxa u għolja);

b)

protezzjoni mir-radjazzjoni;

ċ)

applikazzjonijiet isotopi, b'mod partikolari dawk ta' l-isotopi stabbli;

d)

reatturi għar-riċerka u karburanti meħtieġa għalihom;

e)

riċerka fil-qasam taċ-ċiklu tal-karburant (u b'mod iżjed partikolari tħaffir għall-minerali ta' l-uranju ta' grad baxx u l-ipproċessar tagħhom; l-ottimizzazzjoni ta' elementi tal-karburant għal reatturi li jiġġeneraw l-enerġija).

Artikolu 43

1.   F'dawk is-setturi li dwarhom ir-Renju ta' Spanja jqiegħed informazzjoni għad-disposizzjoni tal-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, meta mitluba, l-awtoritajiet kompetenti għandhom joħorġu liċenzi fuq bażi kummerċjali lil Stati Membri, persuni u impriżi tal-Komunità meta għandhom drittijiet esklużivi ta' privattivi reġistrati fi Stati Membri, u sakemm m'għandhom l-ebda obbligu jew impenn fir-rigward ta' terzi biex jagħtu jew joffru li jagħtu liċenza esklużiva jew parzjalment esklużiva tad-drittijiet f'dawn il-privattivi.

2.   Fejn tkun ingħatat liċenza esklużiva jew parzjalment esklużiva, r-Renju ta' Spanja għandu jinkoraġġixxi u jiffaċilita l-għoti ta' sottoliċenzi fuq bażi kummerċjali lil Stati Membri, persuni u impriżi tal-Komunità minn dawk li għandhom dawn il-liċenzi.

Dawn il-liċenzi esklużivi jew parzjalment esklużivi għandhom jingħataw fuq bażi kummerċjali normali.

SEZZJONI 8

Disposizzjonijiet dwar l-iskambju ta' informazzjoni mar-Repubblika Portugiża fil-qasam ta' l-enerġija nukleari

Artikolu 44

1.   Mill-1 ta' Jannar 1986, dik l-informazzjoni li tkun ġiet ikkomunikata lill-Istati Membri, persuni jew impriżi, skond l-Artikolu 13 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, għandha titqiegħed għad-disposizzjoni tar-Repubblika Portugiża, li għandha tiddistribwiha b'mod limitat fit-territorju tagħha taħt il-kondizzjonijiet stipulati f'dak l-Artikolu.

2.   Mill-1 ta' Jannar 1986, ir-Repubblika tal-Portugall għandha tqiegħed għad-disposizzjoni tal-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika l-informazzjoni miksuba fil-qasam nukleari fil-Portugall, li tiġi distribwita b'mod limitat, sakemm ma jkunux involuti applikazzjonijiet strettament kummerċjali. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika din l-informazzjoni lill-impriżi tal-Komunità taħt il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 13 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika.

3.   L-informazzjoni prevista fil-paragrafi (1) u (2) għandha tikkonċerna l-aktar:

a)

id-dinamika tar-reatturi;

b)

il-protezzjoni mir-radjazzjoni;

ċ)

l-applikazzjoni ta' teknika għall-miżurazzjoni nukleari (fl-oqsma industrijali, agrikoli, arkeoloġiċi u ġeoloġiċi);

d)

fiżika atomika (miżurazzjoni effettiva ta' sezzjoni trasversali, teknika ta' l-inkanalament);

e)

metallurġija estrattiva ta' l-uranju.

Artikolu 45

1.   F'dawk is-setturi li dwarhom ir-Repubblika Portugiża tqiegħed informazzjoni għad-disposizzjoni tal-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, meta mitluba, l-awtoritajiet kompetenti għandhom joħorġu liċenzi fuq bażi kummerċjali lil Stati Membri, persuni u impriżi tal-Komunità meta għandhom drittijiet esklużivi ta' privattivi reġistrati fi Stati Membri, u sakemm m'għandhom l-ebda obbligu jew impenn fir-rigward ta' terzi biex jagħtu jew joffru li jagħtu liċenza esklużiva jew parzjalment esklużiva tad-drittijiet f'dawn il-privattivi.

2.   Fejn tkun ingħatat liċenza esklużiva jew parzjalment esklużiva, r-Repubblika Portugiża għandha tinkoraġġixxi u tiffaċilita l-għoti ta' sottoliċenzi fuq bażi kummerċjali lil Stati Membri, persuni u impriżi tal-Komunità minn dawk li għandhom dawn il-liċenzi.

Dawn il-liċenzi esklużivi jew parzjalment esklużivi għandhom jingħataw fuq bażi kummerċjali normali.

TITOLU V

DISPOSIZZJONIJIET MEĦUDA MILL-ATT DWAR IL-KONDIZZJONIJIET TA' L-ADEŻJONI TAR-REPUBBLIKA TA' L-AWSTRIJA, R-REPUBBLIKA TAL-FINLANDJA U R-RENJU TA' L-ISVEZJA

SEZZJONI 1

Disposizzjonijiet finanzjarji

Artikolu 46

Ir-riżorsi proprji provduti mit-taxxa fuq il-valur miżjud għandhom jiġu kkalkolati u vverifikati bħallikieku l-Gżejjer Åland kienu inklużi fil-qasam territorjali tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li jirrigwardaw taxxi fuq it-turnover - is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima.

SEZZJONI 2

Disposizzjonijiet dwar l-agrikoltura

Artikolu 47

Jekk ikun hemm diffikultajiet serji minħabba l-adeżjoni li jippersistu wara l-użu sħiħ ta' l-Artikolu 48 u tal-miżuri l-oħra li jirriżultaw mir-regoli eżistenti fl-Unjoni, l-Kummissjoni tista' tadotta deċiżjoni Ewropea li tawtorizza lill-Finlandja li tagħti għajnuna nazzjonali lil produtturi sabiex tiffaċilita l-integrazzjoni sħiħa tagħhom fil-politika agrikola komuni.

Artikolu 48

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjonijiet Ewropej li jawtorizzaw lill-Finlandja u lill-Isvezja li jagħtu għajnuna nazzjonali għal żmien twil bil-għan li jassiguraw li l-attività agrikola tinżamm f'reġjuni speċifiċi. Dawn ir-reġjuni għandhom ikopru ż-żoni agrikoli li jinstabu fit-tramuntana tat-62 Parallell u xi żoni fil-qrib li jinsabu fin-nofs in-nhar ta' dak il-parallell u li għandhom kondizzjonijiet paragunabbli ta' klima li jagħmlu l-attività agrikola partikolarment diffiċli.

2.   Ir-reġjuni previsti fil-paragrafu 1 għandhom jiġu determinati mill-Kummissjoni, li tqis b'mod partikolari:

a)

id-densità baxxa tal-popolazzjoni;

b)

il-porzjon ta' art agrikola fil-firxa sħiħa ta' art;

ċ)

il-porzjon ta' art agrikola użata għall-kultivazzjoni ta' uċuħ intiżi għall-konsum tal-bniedem, fil-firxa sħiħa ta' art agrikola użata.

3.   L-għajnuniet nazzjonali previsti fl-Artikolu 1 jistgħu jkunu relatati ma' fatturi fiżiċi ta' produzzjoni, bħal l-ettari ta' art agrikola jew in-numru ta' bhejjem kont meħud tal-limiti rilevanti stipulati fl-organizzazzjonijiet tas-swieq, kif ukoll l-iskedi storiċi ta' produzzjoni ta' kull razzett, iżda ma jistgħux:

a)

ikunu marbuta ma' produzzjoni futura;

b)

jew iwasslu għal żieda fil-produzzjoni jew fil-livell ta' għajnuna globali reġistrata matul perjodu ta' referenza qabel l-1 ta' Jannar 1995, li jrid jiġi detereminat mill-Kummissjoni.

Dawn l-għajnuniet jistgħu jkunu differenti minn reġjun għal ieħor.

Dawn l-għajnuniet għandhom jingħataw b'mod partikolari biex:

a)

jinżammu l-produzzjoni primarja u l-ipproċessar tradizzjonali li jaqblu b'mod naturali mal-kondizzjonijiet tal-klima tar-reġjuni kkonċernati;

b)

jitjiebu l-istrutturi għall-produzzjoni, l-marketing u l-ipproċessar ta' prodotti agrikoli;

ċ)

jiġi ffaċilitat l-bejgħ tal-prodotti previsti;

d)

jiġi assigurat li l-ambjent ikun protett u l-pajżaġġ ikun ippreservat.

Artikolu 49

1.   L-għajnuniet previsti fl-Artikoli 47 u 48 u kwalunkwe għajnuna nazzjonali oħra soġġetta għall-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni taħt dan it-Titolu għandhom jiġu notifikati lill-Kummissjoni. Ma jistgħux jiġu applikati qabel ma tinkiseb din l-awtorizzazzjoni.

2.   Fir-rigward ta' l-għajnuniet stipulati fl-Artikolu 48, kull ħames snin mill-1 ta' Jannar 1996 il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Kunsill rapport dwar:

a)

l-awtorizzazzjonijiet mogħtija;

b)

ir-riżultati ta' l-għajnuna mogħtija taħt dawn l-awtorizzazzjonijiet.

Bħala tħejjija għat-tfassil ta' dawn ir-rapporti, l-Istati Membri li jirċievu dawn l-awtorizzazzjonijiet għandhom, fi żmien utli, jipprovdu lill-Kummissjoni b'informazzjoni dwar l-effetti ta' l-għajnuniet mogħtija, u jiddiskrivu l-iżvilupp osservat fl-ekonomija agrikola tar-reġjuni in kwistjoni.

Artikolu 50

Fl-oqsma ta' l-għajnuniet stipulati fl-Artikoli III-167 u III-168 tal-Kostituzzjoni:

a)

fost l-għajnuniet applikati fl-Awstrija, fil-Finlandja u fl-Isvezja qabel l-1 ta' Jannar 1995, dawk biss li ġew notifikati lill-Kummissjoni sat-30 ta' April 1995 jiġu meqjusa bħala għajnuniet eżistenti skond it-tifsira ta' l-Artikolu III-168(1) tal-Kostituzzjoni;

b)

għajnuniet eżistenti u pjanijiet intiżi biex jingħataw jew jinbidlu għajnuniet, li ġew notifikati lill-Kummissjoni qabel l-1 ta' Jannar 1995, jitqiesu li jkunu ġew notifikati f'dik id-data.

Artikolu 51

1.   Sakemm ma jkunx ġie stipulat mod ieħor f'każijiet speċifiċi, l-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta r-regolamenti jew id-deċiżjonijiet Ewropej meħtieġa biex tiġi implimentata din is-Sezzjoni.

2.   Liġi Ewropea tal-Kunsill tista' tagħmel l-adattamenti għad-disposizzjonijiet li jidhru f'din is-Sezzjoni li jistgħu jkunu meħtieġa bħala riżultat ta' modifika fid-dritt ta' l-Unjoni. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew.

Artikolu 52

1.   Jekk ikunu meħtieġa miżuri transitorji biex jiffaċilitaw it-transizzjoni mis-sistema eżistenti fl-Awstrija, fil-Finlandja u fl-Isvezja għal dik li tirriżulta mill-applikazzjoni ta' l-organizzazzjoni komuni tas-swieq taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-Att dwar il-kondizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Awstrija, r-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju ta' l-Isvezja, dawn il-miżuri għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 38 tar-Regolament Nru. 136/66/KEE jew, kif approprjat, fl-Artikoli korrispondenti tar-Regolamenti l-oħra dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli. Dawn il-miżuri jistgħu jittieħdu matul perjodu li jispiċċa fil-31 ta' Diċembru 1997 u l-applikazzjoni tagħhom għandha tkun limitata għal dik id-data.

2.   Liġi Ewropea tal-Kunsill tista' ttawwal il-perjodu previst fil-paragrafu 1. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew.

Artikolu 53

L-Artikoli 51 u 52 għandhom ikunu applikabbli għall-prodotti tas-sajd.

SEZZJONI 3

Disposizzjonijiet dwar miżuri transitorji

Artikolu 54

L-Atti elenkati fil-punti VII.B.I, VII.D.1, VII.D.2.ċ, IX.2.b, ċ, f, g, h, i, j, l, m, n, x, y, z u aa, u X.a, b, u ċ ta' l-Anness XV (4) għall-Att dwar il-kondizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Awstrija, r-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju ta' l-Isvezja għandhom japplikaw fir-rigward ta' l-Awstrija, l-Finlandja u l-Isvezja taħt il-kondizzjonijiet stipulati f'dak l-Anness.

Fir-rigward tal-punt IX.2.x ta' l-Anness XV previst fl-ewwel paragrafu, r-referenza għad-disposizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, b'mod partikolari għall-Artikoli 90 u 91 tiegħu, jridu jinftehmu bħala li qed jirreferu għad-disposizzjonijiet tal-Kostituzzjoni, b'mod partikolari għall-Artikolu III-170 (1) u (2) tagħha.

SEZZJONI 4

Disposizzjonijiet dwar l-applikabbilità ta' ċerti atti

Artikolu 55

1.   Kull deċiżjoni individwali dwar eżenzjoni meħuda u kull deċiżjoni ta' attestazzjoni negattiva meħuda qabel l-1 ta' Jannar 1995 taħt l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) jew l-Artikolu 1 tal-Protokoll 25 għal dak il-Ftehim, kemm jekk mill-Awtorità ta' Sorveljanza ta' l-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA), kemm jekk mill-Kummissjoni, u li jikkonċernaw każijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 81 tat-Trattat li jistabbilixi l-Komunità Ewropea bħala riżultat ta' l-adeżjoni għandhom jibqgħu validi għall-iskopijiet ta' l-Artikolu III-161 tal-Kostituzzjoni sakemm il-limitu ta' żmien speċifikat hemmhekk jispiċċa jew sakemm il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni Ewropea kuntrarja, motivata kif dovut, skond id-dritt ta' l-Unjoni.

2.   Id-deċiżjonijiet kollha meħuda mill-Awtorità ta' Sorveljanza ta' l-EFTA qabel l-1 ta' Jannar 1995 skond l-Artikolu 61 tal-Ftehim ŻEE u li jikkonċernaw każijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 87 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea bħala riżultat ta' adeżjoni għandhom jibqgħu validi f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-Artikolu III-167 tal-Kostituzzjoni ħlief jekk il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni Ewropea kuntrarja skond l-Artikolu III-168 tal-Kostituzzjoni. Dan il-paragrafu m'għandux japplika għal deċiżjonijiet li huma suġġetti għall-proċeduri previsti fl-Artikolu 64 tal-Ftehim ŻEE.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1 u 2, id-deċiżjonijiet meħuda mill-Awtorità ta' Sorveljanza ta' l-EFTA jibqgħu validi wara l-1 ta' Jannar 1995, sakemm il-Kummissjoni ma tieħux deċiżjoni kuntrarja, motivata kif dovut, skond id-dritt ta' l-Unjoni.

SEZZJONI 5

Disposizzjonijiet dwar il-Gżejjer Åland

Artikolu 56

Id-disposizzjonijiet tal-Kostituzzjoni m'għandhomx jipprekludu l-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet eżistenti li kienu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1994 dwar il-Gżejjer Åland rigward:

a)

restrizzjonijiet, fuq bażi non-diskriminatorja, għad-dritt ta' persuni fiżiċi li ma jgawdux hembygdsrätt/kotiseutuoikeus (ċittadinanza reġjonali) f'Åland, u għal persuni legali, biex jakkwistaw u jippossjedu proprjetà immobbli fil-Gżejjer Åland mingħajr il-permess ta' l-awtoritajiet kompetenti tal-Gżejjer Åland;

b)

restrizzjonijiet, fuq bażi non-diskriminatorja, għad-dritt ta' stabbiliment u d-dritt tal-provvista ta' servizzi minn persuni fiżiċi li ma jgawdux “hembygdsrätt/kotiseutuoikeus” (ċittadinanza reġjonali) f'Åland, jew minn persuni legali mingħajr il-permess ta' l-awtoritajiet kompetenti tal-Gżejjer Åland.

Artikolu 57

1.   It-territorju tal-Gżejjer Åland - li hu kkunsidrat bħala territorju terz, kif definit fit-tielet inċiż ta' l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, u bħala territorju nazzjonali barra mill-kamp ta' l-applikazzjoni tad-direttivi dwar l-armonizzazzjoni tad-dazji tas-sisa kif definiti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE - għandu jiġi eskluż mill-applikazzjoni territorjali tad-dritt ta' l-Unjoni fl-oqsma ta' l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq it-turnover u d-dazji tas-sisa u forom oħra ta' taxxa indiretta.

Dan il-paragrafu m'għandux japplika għad-disposizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 69/335/KEE li għandha x'taqsam ma' dazju fuq il-kapital.

2.   Id-deroga prevista fil-paragrafu 1 hi mmirata biex tinżamm ekonomija lokali vijabbli fil-gżejjer u m'għandux ikollha effetti negattivi fuq l-interessi ta' l-Unjoni u lanqas fuq il-politika komuni tagħha. Jekk il-Kummissjoni jidhrilha li d-disposizzjonijiet tal-paragrafu 1 m'għadhomx ġustifikati, b'mod partikolari f'termini ta' kompetizzjoni ġusta jew riżorsi proprji, għandha tissottometti proposti xierqa lill-Kunsill, li għandu jadotta l-atti meħtieġa skond l-Artikoli rilevanti tal-Kostituzzjoni.

Artikolu 58

Ir-Repubblika tal-Finlandja għandha tassigura li l-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha ta' l-Istati Membri jgawdu mill-istess trattament fil-gżejjer Åland.

Artikolu 59

Id-disposizzjonijiet ta' din is-Sezzjoni għandhom japplikaw fid-dawl tad-Dikjarazzjoni dwar il-gżejjer Åland, li tħaddan, mingħajr ma tbiddel l-effett legali tagħhom, l-kliem użat fil-preambolu tal-Protokoll Nru. 2 ta' l-Att li jikkonċerna l-kondizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta' l-Isvezja.

SEZZJONI 6

Disposizzjonijiet dwar il-poplu Sami

Artikolu 60

Minkejja d-disposizzjonijiet tal-Kostituzzjoni, drittijiet esklużivi għat-trobbija tar-renni f'oqsma tradizzjonalment Sami jistgħu jingħataw lill-poplu Sami.

Artikolu 61

Din is-Sezzjoni tista' tiġi estiża biex tieħu in konsiderazzjoni kwalunkwe żvilupp ieħor ta' drittijiet Sami esklużivi marbuta mal-mezzi ta' għixien tradizzjonali tagħhom. Liġi Ewropea tal-Kunsill tista' tagħmel l-emendi meħtieġa għal din is-Sezzjoni. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u mal-Kumitat tar-Reġjuni.

Artikolu 62

Id-disposizzjonijiet ta' din is-Sezzjoni għandhom japplikaw fid-dawl tad-Dikjarazzjoni dwar il-poplu Sami, li tħaddan, mingħajr ma tbiddel l-effett legali tagħhom, l-kliem użat fil-preambolu tal-Protokoll Nru. 3 ta' l-Att li jikkonċerna l-kondizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Awstrija, r-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju ta' l-Isvezja.

SEZZJONI 7

Disposizzjonijiet speċjali fil-qafas tal-Fondi Strutturali fil-Finlandja u l-Isvezja

Artikolu 63

Bħala prinċipju, r-reġjuni interessati mill-mira li tikkonsisti fil-promozzjoni ta' l-iżvilupp u l-aġġustament strutturali tar-reġjuni b'densità baxxa ħafna ta' popolazzjoni għandhom jirrappreżentaw jew jappartjenu għar-reġjuni fuq il-livell II tan-NUTS b'densità ta' popolazzjoni ta' 8 persuni jew inqas għal kull kilometru kwadru. Salv il-ħtieġa tad-densità l-għajnuna ta' l-Unjoni tista' tiġi estiża wkoll għal żoni iżgħar li huma qrib u kontigwi, li jissodisfaw l-istess kriterju ta' densità tal-popolazzjoni. Ir-reġjuni u ż-żoni previsti f'dan l-Artikolu huma elenkati fl-Anness 1 (5) għall-Protokoll Nru. 6 ta' l-Att li jikkonċerna l-kondizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta' l-Isvezja.

SEZZJONI 8

Disposizzjonijiet dwar it-trasport bil-ferrovija u t-trasport konġunt fl-Awstrija

Artikolu 64

1.   Għall-iskopijiet ta' din is-Sezzjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

a)

“vettura kbira għat-trasport ta' merkanzija” għandha tfisser kwalunkwe vettura bil-mutur ta' piż massimu awtorizzat ta' iżjed minn 7,5 tunnellati metriċi reġistrata fi Stat Membru u maħsuba biex iġġorr merkanzija jew tiġbed karrijiet, inklużi unitajiet ta' trazzjoni ta' semi-karrijiet, u karrijiet ta' piż massimu awtorizzat ta' iżjed minn 7,5 tunnellati metriċi u miġbuda minn vettura bil-mutur, ta' piż massimu awtorizzat ta' 7,5 tunnellati metriċi jew inqas, reġistrata fi Stat Membru;

b)

“trasport ikkombinat” għandu jfisser it-trasport ta' merkanzija minn vettura kbira għat-trasport ta' merkanzija jew unitajiet ta' tagħbija li jagħmlu parti mill-vjaġġ tagħhom bil-ferrovija u jew jibdew jew jispiċċaw il-vjaġġ bit-triq, filwaqt li huwa mifhum li t-traffiku li jkun għaddej ma jista' f'ebda ċirkostanza jaqsam territorju Awstrijak meta jkun sejjer jew ġej minn stazzjon tal-ferrovija bit-triq biss.

2.   L-Artikoli 65 sa 71 għandhom japplikaw għal miżuri li għandhom x'jaqsmu mad-disposizzjoni dwar trasport bil-ferrovija u trasport ikkombinat li jkun qed jaqsam it-territorju ta' l-Awstrija.

Artikolu 65

L-Unjoni u l-Istati Membri kkonċernati għandhom, fil-qafas tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, jadottaw u jikkordinaw mill-qrib miżuri għall-iżvilupp u l-promozzjoni ta' trasport bil-ferrovija u trasport ikkombinat għat-trasport ta' merkanzija trans-Alpin.

Artikolu 66

Meta tistabbilixxi l-linji gwida previsti fl-Artikolu III-247 tal-Kostituzzjoni, l-Unjoni għandha tassigura li l-assi definiti fl-Anness 1 (6) tal-Protokoll Nru. 9 ta' l-Att dwar il-kondizzjonijiet ta' l- adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta' l-Isvezja jagħmlu parti mir-rettikolati trans-Ewropej għat-trasport bil-ferrovija u t-trasport ikkombinat u li, barra dan, ikunu identifikati bħala proġetti ta' interess komuni.

Artikolu 67

L-Unjoni u l-Istati Membri kkonċernati għandhom, fil-qafas tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, jimplimentaw il-miżuri elenkati fl-Anness 2 (7) għall-Protokoll Nru. 9 ta' l-Att li jikkonċerna l-kondizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta' l-Isvezja.

Artikolu 68

L-Unjoni u l-Istati Membri kkonċernati għandhom jagħmlu mill-aħjar biex jiżviluppaw u jużaw il-kapaċità addizzjonali tal-ferrovija prevista fl-Anness 3 (8) għall-Protokoll Nru. 9 ta' l-Att li jikkonċerna l-kondizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta' l-Isvezja.

Artikolu 69

L-Unjoni u l-Istati Membri kkonċernati għandhom jieħdu miżuri biex itejjbu l-provvista ta' trasport bil-ferrovija u trasport ikkombinat. Fejn xieraq, u bla ħsara għad-disposizzjonijiet tal-Kostituzzjoni, dawn il-miżuri għandhom jiġu stabbiliti b'konsultazzjoni mill-qrib mal-kumpaniji tal-ferroviji u ma' oħrajn li jipprovdu servizzi bil-ferrovija. Għandha tingħata prijorità lil dawk il-miżuri stabbiliti fid-disposizzjonijiet tad-dritt ta' l-Unjoni dwar ferroviji u trasport ikkombinat. Meta jkunu qed jiġu implimentati xi miżuri, għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-kompetittività, l-effikaċja u t-trasparenza tal-prezzijiet ta' trasport bil-ferrovija u trasport ikkombinat. B'mod partikolari, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jippruvaw jieħdu miżuri biex jassiguraw li l-prezzijiet ta' trasport ikkombinat jikkompetu sew ma' dawk ta' modi oħra ta' trasport. Kull għajnuna mogħtija għal dawn l-għanijiet għandha tħares id-dritt ta' l-Unjoni.

Artikolu 70

L-Unjoni u l-Istati Membri kkonċernati għandhom, f'każ ta' disturbi serji fit-trasport bil-ferrovija, bħal disastru naturali, jieħdu l-azzjoni kollha li jistgħu flimkien biex it-traffiku jibqa' għaddej. Għandha tingħata prijorità lil tagħbijiet sensittivi, bħal ikel li jitħassar.

Artikolu 71

Il-Kummissjoni, li taġixxi skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 73(2), għandha tirrevedi l-operat ta' din is-Sezzjoni.

Artikolu 72

1.   Dan l-Artikolu għandu japplika għat-trasport ta' merkanzija bit-triq fi vjaġġi magħmula fit-territorju tal-Komunità.

2.   Għal vjaġġi li jinvolvu transitu ta' merkanzija bit-triq fl-Awstrija, r-reġim stabbilit għal vjaġġi magħmula kemm fl-interess proprju kif ukoll fl-interess ta' ħadd ieħor taħt l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 1962 u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 881/92 għandu japplika, suġġett għad-disposizzjonijiet ta' dan l-Artikolu.

3.   Sa l-1 ta' Jannar 1998, għandhom japplikaw id-disposizzjonijiet li ġejjin:

a)

l-ammont totali ta' l-emissjonijiet NOx minn vetturi kbar għat-trasport tal-merkanzija li jaqsmu in transitu t-territorju Awstrijak għandu jiġi mnaqqas bis-60 % matul il-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 1992 u l-31 ta' Diċembru 2003, skond it-tabella fl-Anness 4;

b)

it-tnaqqis fl-emissjonijiet totali ta' NOx minn vetturi kbar għat-trasport tal-merkanzija għandhom jiġu amministrati skond sistema ta' “ekopunti”. Taħt dik is-sistema kwalunkwe vettura kbira għat-trasport tal-merkanzija li taqsam l-Awstrija in transitu għandha tirrikjedi numru ta' ekopunti ekwivalenti għall-emissjonijiet ta' NOx (awtorizzati taħt il-valur tal-Konformità ta' Produzzjoni (COP) jew il-valur ta' l-approvazzjoni tat-tip). Il-metodu tal-kalkolu u ta' l-amministrazzjoni ta' tali punti huwa deskritt fl-Anness 5;

ċ)

jekk in-numru ta' vjaġġi in transitu fi kwalunkwe sena jaqbeż il-figura ta' referenza stabbilita għall-1991 b'aktar minn 8 %, il-Kummissjoni, li għandha taġixxi skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 16, għandha tadotta l-miżuri xierqa skond il-paragrafu 3 ta' l-Anness 5;

d)

ir-Repubblika ta' l-Awstrija għandha tippubblika u tagħmel disponibbli fi żmien xieraq it-tesseri ta' l-ekopunti għall-amministrazzjoni tas-sistema ta' l-ekopunti, skond l-Anness 5, għall-vetturi kbar għat-trasport tal-merkanzija li jaqsmu l-Awstrija in transitu;

e)

l-ekopunti għandhom jiġu distribwiti mill-Kummissjoni fost l-Istati Membri skond id-disposizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti skond il-paragrafu 7.

4.   Qabel l-1 ta' Jannar 1998, il-Kunsill, abbażi ta' rapport mill-Kummissjoni, għandu jirrevedi l-operat tad-disposizzjonijiet li jirrigwardaw it-transitu ta' merkanzija bit-triq fl-Awstrija. Ir-reviżjoni għandha ssir skond il-prinċipji bażiċi tal-liġi Komunitarja, bħall-funzjonament xieraq tas-suq intern, partikolarment il-moviment liberu tal-merkanzija u l-libertà fil-provvista ta' servizzi, l-ħarsien ta' l-ambjent fl-interess tal-Komunità bħala entità waħda, u s-sigurtà fit-traffiku. Jekk il-Kunsill, li għandu jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, ma jiddeċiedix xort'oħra, l-perjodu transitorju għandu jiġi estiż sa l-1 ta' Jannar 2001, u matulu għandhom japplikaw id-disposizzjonijiet tal-paragrafu 3.

5.   Qabel l-1 ta' Jannar 2001, il-Kummissjoni, b'koperazzjoni ma' l-Aġenzija Ewropea ta' l-Ambjent, għandha tagħmel studju xjentifiku dwar kemm intlaħqu l-miri ta' tnaqqis fit-tniġġis ta' l-arja kif stabbilit fil-paragrafu 3(a). Jekk il-Kummisjoni tikkonkludi li dawn il-miri ntlaħqu fuq bażi sostenibbli, d-disposizzjonijiet tal-paragrafu 3 ma jkunux iktar applikabbli mill-1 ta' Jannar 2001. Jekk il-Kummisjoni tikkonkludi li dawn il-miri ma ntlaħqux fuq bażi sostenibbli l-Kunsill, li jaġixxi skond l-Artikolu III-240 tal-Kostituzzjoni, jista' jadotta miżuri, fil-qafas Komunitarju, li jiżguraw ħarsien ekwivalenti ta' l-ambjent, b'mod partikulari t-tnaqqis ta' 60 % tat-tniġġis. Jekk il-Kunsill ma' japplikax dan it-tip ta' miżuri, l-perjodu transitorju għandu jiġi estiż awtomatikament għal perjodu finali ta' tlett snin, li matulu għandhom japplikaw id-disposizzjonijiet tal-paragrafu 3.

6.   Fl-aħħar tal-perjodu transitorju, l-'acquis' tal-Kommunità fl-intier tiegħu għandu jiġi applikat kollu.

7.   Il-Kummissjoni, li għandha taġixxi skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 16, għandha tadotta miżuri dettaljati li jirrigwardaw il-proċeduri dwar is-sistema ta' l-ekopunti, d-distribuzzjoni ta' l-ekopunti u l-kwistjonijiet tekniċi li jikkonċernaw l-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, li għandhom jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1995.

Il-miżuri previsti fl-ewwel subparagrafu għandhom jiżguraw li tinżamm is-sitwazzjoni fattwali għall-Istati Membri preżenti li tirriżulta mill-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 3637/92 u ta' l-Arranġament Amministrattiv, iffirmat fit-23 ta' Diċembru 1992, li jistabbilixxu d-data tad-dħul fis-seħħ u l-proċeduri għall-introduzzjoni tas-sistema ta' l-ekopunti previsti fil-Ftehim dwar Transitu. Għandhom isiru l-isforzi kollha meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-parti ta' ekopunti allokata lill-Greċja tieħu konsiderazzjoni suffiċjenti tal-bżonnijiet ta' dan il-pajjiż f'dan il-kuntest.

Artikolu 73

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat.

2.   F'każijiet fejn hemm referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw.

3.   Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu.

SEZZJONI 9

Disposizzjonijiet dwar l-użu ta' termini Awstrijaċi speċifiċi tal-lingwa Ġermaniża fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea

Artikolu 74

1.   It-termini Awstrijaċi speċifiċi fil-lingwa Ġermaniża li hemm fl-ordni ġuridiku Awstrijak u li huma elenkati fl-Anness (9) għall-Protokoll Nru. 10 ta' l-Att dwar il-kondizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta' l-Isvezja għandu jkollhom l-istess status u jistgħu jintużaw bl-istess effett ġuridiku bħat-termini korrispondenti użati fil-Ġermanja u li huma elenkati f'dak l-Anness.

2.   Fil-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża ta' atti ġuridiċi ġodda, t-termini speċifiċi Awstrijaċi previsti fl-Anness tal-Protokoll Nru. 10 ta' l-Att dwar il-kondizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta' l-Isvezja għandhom jiġu miżjuda fil-forma xierqa mat-termini korrispondenti użati fil-Ġermanja.

9.   

PROTOKOLL DWAR IT-TRATTAT U L-ATT TA' L-ADEŻJONI TAR-REPUBBLIKA ĊEKA, IR-REPUBBLIKA TA' L-ESTONJA, R-REPUBBLIKA TA' ĊIPRU, IR-REPUBBLIKA TAL-LATVJA, R-REPUBBLIKA TAL-LITWANJA, IR-REPUBBLIKA TA' L-UNGERIJA, R-REPUBBLIKA TA' MALTA, IR-REPUBBLIKA TAL-POLONJA, R-REPUBBLIKA TAS-SLOVENJA U R-REPUBBLIKA SLOVAKKA

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

FILWAQT LI JFAKKRU li r-Repubblika Ċeka, r-Repubblika ta' l-Estonja, r-Repubblika ta' Ċipru, r-Repubblika tal-Latvja, r-Repubblika tal-Litwanja, r-Repubblika ta' l-Ungerija, r-Repubblika ta' Malta, r-Repubblika tal-Polonja, r-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka, ingħaqdu mal-Komunitajiet Ewropej u ma' l-Unjoni Ewropea stabbilita bit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Mejju 2004;

WARA LI KKUNSIDRAW LI l-Artikolu IV-437(2)(e) tal-Kostituzzjoni jipprovdi li t-Trattat tas-16 ta' April 2003 li jikkonċerna l-adeżjonijiet hawn fuq previsti għandu jiġi imħassar;

WARA LI KKUNSIDRAW LI ħafna mid-disposizzjonijiet ta' l-Att anness ma' dak it-Trattat ta' Adeżjoni jibqgħu rilevanti; li l-Artikolu IV-437(2) tal-Kostituzzjoni jipprovdi li dawk id-disposizzjonijiet iridu jiġu stabbiliti jew previsti fi Protokoll, sabiex jibqgħu fis-seħħ u biex l-effetti legali tagħhom ikunu ippreservati;

WARA LI KKUNSIDRAW LI xi disposizzjonijiet in kwistjoni jeħtieġu l-aġġustamenti tekniċi neċessarji biex jiġu allinjati mal-Kostituzzjoni mingħajr ma jinbidel l-effett legali tagħhom,

FTEHMU dwar id-disposizzjonijiet li ġejjin, li għandhom jiġu annessi mat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika:

L-EWWEL PARTI

DISPOSIZZJONIJIET DWAR L-ATT TA' L-ADEŻJONI TAS-16 TA' APRIL 2003

TITOLU I

PRINĊIPJI

Artikolu 1

Għall-finijiet ta' dan il-Protokoll:

a)

il-frażi “Att ta' l-Adeżjoni tas-16 ta' April 2003” tfisser l-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijet ta' l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, r-Repubblika ta' l-Estonja, r-Repubblika ta' Ċipru, r-Repubblika tal-Latvja, r-Repubblika tal-Litwanja, r-Repubblika ta' l-Ungerija, r-Repubblika ta' Malta, r-Repubblika tal-Polonja, r-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hi bbażata l-Unjoni Ewropea;

b)

il-frażijiet “Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea” (“Trattat tal-KE”) u “Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika” (“Trattat tal-KEEA”), ifissru dawk it-Trattati kif issupplementati jew emendati bi trattati jew b'atti oħra li daħlu fis-seħħ qabel l-1 ta' Mejju 2004;

ċ)

il-frażi it-“Trattat dwar l-Unjoni Ewropea” (“Trattat dwar l-UE”), tfisser dak it-Trattat kif issupplimentat jew emendat bi trattati jew atti oħra li daħlu fis-seħħ qabel l-1 ta' Mejju 2004;

d)

il-frażi “il-Komunità” tfisser, skond il-każ, waħda mill-Komunitajiet previsti f'(b) jew it-tnejn li huma;

e)

il-frażi “Stati Membri attwali” tfisser l-Istati Membri li ġejjin: ir-Renju tal-Belġju, r-Renju tad-Danimarka, r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, r-Repubblika Ellenika, r-Renju ta' Spanja, r-Repubblika Franċiża, l-Irlanda, r-Repubblika Taljana, l-Gran Dukat tal-Lussemburgu, r-Renju ta' l-Olanda, r-Repubblika Awstrijaka, r-Repubblika Portugiża, r-Repubblika tal-Finlandja, r-Renju ta' l-Isvezja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq;

f)

il-frażi “Stati Membri l-ġodda” tfisser l-Istati Membri li ġejjin: ir-Repubblika Ċeka, r-Repubblika ta' l-Estonja, r-Repubblika ta' Ċipru, r-Repubblika tal-Latvja, r-Repubblika tal-Litwanja, r-Repubblika ta' l-Ungerija, r-Repubblika ta' Malta, r-Repubblika tal-Polonja, r-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka.

Artikolu 2

Id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mit-Trattati ta' Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, r-Repubblika ta' l-Estonja, r-Repubblika ta' Ċipru, r-Repubblika tal-Latvja, r-Repubblika tal-Litwanja, r-Repubblika ta' l-Ungerija, r-Repubblika ta' Malta, r-Repubblika tal-Polonja, r-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka, previsti fl-Artikolu IV-437(2)(e) tal-Kostituzzjoni, daħlu fis-seħħ, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f'dak it-Trattat, mill-1 ta' Mejju 2004.

Artikolu 3

1.   Id-disposizzjoni ta' l-acquis Schengen integrati fil-qafas ta' l-Unjoni permezz tal-Protokoll anness mat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ bħala l-“Protokoll ta' Schengen”) u l-atti li jibnu fuqu jew li b'xi mod għandhom x'jaqsmu miegħu, elenkati fl-Anness I ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas-16 ta' April 2003, kif ukoll atti oħra bħal dawn adottati qabel l-1 ta' Mejju 2004, għandhom jorbtu u jkunu applikabbli fl-Istati Membri l-ġodda mill-1 ta' Mejju 2004.

2.   Dawk id-disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen li ġew integrati fil-qafas ta' l-Unjoni u l-atti li jibnu fuqu jew li għandhom x'jaqsmu miegħu li m'hemmx referenza għalihom fil-paragrafu 1, waqt li jorbtu lill-Istati Membri l-ġodda mill-1 ta' Mejju 2004, għandhom japplikaw fi Stat Membru ġdid biss wara deċiżjoni Ewropea tal-Kunsill, li tkun ivverifikat skond il-proċeduri ta' valutazzjoni ta' Schengen applikabbli, li l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tal-partijiet kollha ta' l-acquis kkonċernat kienu sodisfatti f'dak l-Istat Membru l-ġdid.

Il-Kunsill għandu jieħu d-deċiżjoni tiegħu, wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew, billi jaġixxi bl-unanimità tal-membri tiegħu li jirrappreżentaw il-Gvernijiet ta' l-Istati Membri li fir-rigward tagħhom id-disposizzjonijiet previsti f'dan il-paragrafu diġà daħlu fis-seħħ u tar-rappreżentant tal-Gvern ta' l-Istat Membru li fir-rigward tiegħu dawk id-disposizzjonijiet għad iridu jiddaħħlu fis-seħħ. Il-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw il-Gvernijiet ta' l-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq għandhom jieħdu sehem f'din id-deċiżjoni sakemm din tirrigwarda id-disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen u l-atti li jibnu fuqu jew li għandhom x'jaqsmu miegħu b'xi mod ieħor li fih jipparteċipaw dawn l-Istati Membri.

3.   Kull Ftehim milħuq mill-Kunsill taħt l-Artikolu 6 tal-Protokoll ta' Schengen għandu jorbot l-Istati Membri l-ġodda mill-1 ta' Mejju 2004.

4.   F'dak li għandu x'jaqsam mal-konvenzjonijiet jew l-istrumenti fil-qasam tal-ġustizzja u affarijiet interni li huma inseparabbli mill-kisba tal-miri tat-Trattat ta' l-UE, l-Istat Membri ġodda huma marbuta:

a)

li jaderixxu ma' dawk li, fl-1 ta' Mejju 2004, jkunu ġew miftuħa għall-firma mill-Istati Membri attwali, u ma' dawk li kienu abbozzati mill-Kunsill skond it-Titolu VI tat-Trattat ta' l-UE u rrakkomandati lill-Istati Membri għall-adozzjoni;

b)

li jintroduċu arranġamenti amministrattivi u oħrajn, bħal dawk adottati sa l-1 ta' Mejju 2004 mill-Istati Membri attwali jew mill-Kunsill, biex jiffaċilitaw koperazzjoni prattika bejn l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet ta' l-Istati Membri li jaħdmu fil-qasam tal-ġustizzja u l-intern.

Artikolu 4

Kull wieħed mill-Istati membri l-ġodda għandu jipparteċipa fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja mill-1 ta' Mejju 2004 bħala Stat Membru b'deroga fis-sens ta' l-Artikolu III-197 tal-Kostituzzjoni.

Artikolu 5

1.   L-Istati Membri l-ġodda, li ngħaqdu bl-Att ta' l-Adeżjoni tas-16 ta' April 2003 mad-deċiżjonijiet u l-ftehim adottati mir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, li jiltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, għandhom ikunu meħtieġa li jaderixxu ma' kull ftehim ieħor konkluż mill-Istati Membri attwali dwar il-funzjonament ta' l-Unjoni jew li huma konnessi ma' l-attivitajiet tagħha.

2.   L-Istati Membri l-ġodda għandhom ikun meħtieġa li jaderixxu għall-konvenzjonijiet previsti mill-Artikolu 293 tat-Trattat tal-KE u għal dawk li huma inseparabbli mill-kisba ta' l-għanijiet tat-Trattat tal-KE, jekk ikunu għadhom fis-seħħ, u wkoll mal-protokolli dwar l-interpretazzjoni ta' dawk il-konvenzjonijiet mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, iffirmati mill-Istati Membri attwali, u għal dan l-iskop huma għandhom ikunu marbuta li jidħlu f'negozjati ma' l-Istati Membri attwali biex jagħmlu l-aġġustamenti meħtieġa għalihom.

Artikolu 6

1.   L-Istati Membri l-ġodda għandhom ikunu obbligati li jaderixxu, bil-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan il-Protokoll, mal-ftehim jew il-konvenzjonijiet konklużi jew applikati b'mod provviżorju mill-Istati Membri attwali li jaġixxu konġuntement ma' l-Unjoni jew il-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, u għal kull ftehim konkluż minn dawk l-Istati li huma marbuta ma' dawk il-ftehim jew il-konvenzjonijiet.

L-adeżjoni ta' l-Istati Membri l-ġodda għal kull ftehim jew konvenzjoni previsti fil-paragrafu 4 hawn taħt, kif ukoll għall-Ftehim mal-Belarus, iċ-Ċina, ċ-Ċile, il-Mercosur u l-Isvizzera, li ġew konklużi jew iffirmati mill-Komunità u l-Istati Membri attwali tagħha flimkien, għandha tkun approvata permezz ta' konklużjoni ta' protokoll għal dawn il-ftehim jew il-konvenzjonijiet bejn il-Kunsill, li jaġixxi b'mod unanimu għan-nom ta' l-Istati Membri, u l-pajjiż jew il-pajjiżi terzi jew l-organizzazzjoni internazzjonali, kkonċernati. Din il-proċedura hija bla ħsara għall-kompetenzi ta' l-Unjoni u tal-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika u ma tolqotx l-allokazzjoni ta' kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika u l-Istati Membri fir-rigward tal-konklużjoni ta' ftehim bħal dan fil-futur jew kwalunkwe emenda oħra li ma għandhiex x'taqsam ma' l-adeżjoni. Il-Kummissjoni għandha tinnegozja dawn il-protokolli għan-nom ta' l-Istati Membri abbażi ta' direttivi dwar in-negozjati approvati mill-Kunsill, li jaġixxi bl-unanimità, u wara konsultazzjoni ma' kumitat magħmul mir-rappreżentanti ta' l-Istati Membri. Għandha tissottometti abbozzi tal-protokolli lill-Kunsill sabiex jiġu konklużi.

2.   Hekk kif jaderixxu mal-ftehim u l-konvenzjonijiet previsti fil-paragrafu 1, l-Istati Membri l-ġodda għandhom jiksbu l-istess drittijiet u obbligi taħt dawk il-ftehim u l-konvenzjonijiet bħall-Istati Membri attwali.

3.   L-Istati Membri l-ġodda għandhom ikunu obbligati li jaderixxu, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan il-Protokoll, għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (10) skond l-Artikolu 128 tiegħu.

4.   Mill-1 ta' Mejju 2004, u, jekk ikun il-każ, sakemm jiġu konklużi l-protokolli meħtieġa previsti fil-paragrafu 1, l-Istati Membri l-ġodda għandhom japplikaw id-disposizzjonijiet tal-Ftehim konklużi mill-Istati Membri attwali, u, konġuntament, mal-Komunità, ma' l-Alġerija, l-Armenja, l-Azerbajġan, il-Bulgarija, l-Kroazja, l-Eġittu, dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, l-Ġeorġja, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Kazakstan, il-Kirgiżistan, il-Libanu, l-Messiku, l-Moldova, l-Marokk, ir-Rumanija, l-Federazzjoni Russa, San Marino, l-Afrika t'Isfel, il-Koreja t'Isfel, is-Sirja, t-Tuniżija, t-Turkija, t-Turkmenistan, l-Ukraina u l-Użbekistan kif ukoll d-disposizzjonijiet ta' kull ftehim ieħor konkluż mill-Istati Membri attwali u l-Komunità flimkien qabel l-1 ta' Mejju 2004.

Kwalunkwe aġġustament għal dawn il-Ftehim għandu jsir permezz ta' protokolli mal-pajjiżi ko-kontraenti skond it-tieni sottoparagrafu tal-paragrafu 1. Jekk il-Protokolli ma jkunux ġew konklużi sa l-1 ta' Mejju 2004, l-Unjoni, l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika u l-Istati Membri għandhom jieħdu, fil-qafas tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, il-miżuri meħtieġa biex jittrattaw dik is-sitwazzjoni.

5.   Mill-1 ta' Mejju 2004, l-Istati Membri l-ġodda għandhom japplikaw il-ftehim u l-arranġamenti bilaterali dwar it-tessuti konklużi mill-Komunità ma' pajjiżi terzi.

Ir-restrizzjonijiet kwantitattivi applikati mill-Unjoni fuq l-importazzjoni tat-tessuti u l-prodotti tal-ħwejjeġ għandhom jiġu aġġustati sabiex jieħdu in konsiderazzjoni l-adeżjoni ta' l-Istati Membri l-ġodda.

Jekk l-emendi għall-ftehim u l-arranġamenti bilaterali dwar it-tessuti ma jkunux daħlu fis-seħħ sa l-1 ta' Mejju 2004, l-Unjoni għandha tagħmel l-aġġustamenti meħtieġa għar-regoli tagħha dwar l-importazzjoni ta' tessuti u ta' prodotti tal-ħwejjeġ ta' lbies minn pajjiżi terzi biex jieħdu in konsiderazzjoni l-adeżjoni ta' l-Istati Membri l-ġodda.

6.   Ir-restrizzjonijiet kwantitattivi applikati mill-Unjoni fuq l-importazzjoni ta' l-azzar u prodotti ta' l-azzar għandhom jiġu aġġustati abbażi ta' l-importazzjoni mill-Istati Membri l-ġodda matul is-snin li jiġu eżatt qabel l-iffirmar tat-Trattat ta' l-Adeżjoni ta' prodotti ta' l-azzar li joriġinaw mill-pajjiżi fornituri kkonċernati.

7.   Ftehim dwar is-sajd konklużi qabel l-1 ta' Mejju 2004 mill-Istati Membri l-ġodda ma' pajjiżi terzi għandhom jiġu amministrati mill-Unjoni.

Id-drittijiet u l-obbligi ta' l-Istati Membri l-ġodda li jirriżultaw minn dawk il-ftehim ma għandhomx ikunu milquta matul il-perijodu li fih id-disposizzjonijiet ta' dawk il-ftehim ikunu fis-seħħ b'mod provviżorju.

Kemm jista' jkun malajr, u fi kwalunkwe każ qabel l-iskadenza tal-ftehim previsti fl-ewwel subparagrafu, l-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta deċiżjonijiet Ewropej xierqa għall-kontinwazzjoni ta' l-attivitajiet ta' sajd li jirriżultaw minn dawk il-ftehim, inkluża l-possibiltà li jiġu estiżi ċerti ftehim għal perijodi ta' mhux aktar minn sena.

8.   B'effett mill-1 ta' Mejju 2004, l-Istati Membri l-ġodda għandhom jirtiraw minn kwalunkwe ftehim ta' kummerċ ħieles ma' pajjiżi terzi, inkluż il-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles ta' l-Ewropa Ċentrali.

Sa fejn ftehim bejn Stat Membru wieħed ġdid jew iktar min-naħa l-waħda, u pajjiż terz wieħed jew iżjed min-naħa l-oħra, ma jkunux kompatibbli ma' l-obbligi li jinħolqu mill-Kostituzzjoni, u b'mod partikolari minn dan il-Protokoll, l-Istati Membri l-ġodda għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jeliminaw l-inkompatibilitajiet eżistenti. Jekk Stat Membru ġdid jiltaqa' ma' diffikultajiet biex jadatta ftehim konkluż ma' pajjiż terz jew iżjed qabel l-adeżjoni, għandu, skond it-termini ta' dan il-ftehim, jirtira minn dak il-ftehim.

9.   L-Istati Membri l-ġodda għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jaġġustaw, fejn meħtieġ, il-posizzjoni tagħhom fir-rigward ta' organizzazzjonijiet internazzjonali, u ta' dawk il-ftehim internazzjonali li huma parti minnhom l-Unjoni jew il-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika jew Stati Membri oħra, għad-drittijiet u l-obbligi li jinħolqu bl-adeżjoni tagħhom ma' l-Unjoni.

B'mod partikolari, għandhom jirtiraw fl-1 ta' Mejju 2004, jew kemm jista' jkun malajr wara din id-data, minn ftehim internazzjonali dwar organizzazzjonijiet tas-sajd anke minn dawk li tagħhom l-Unjoni wkoll hija parti, sakemm is-sħubija tagħhom f'dawn il-ftehim u organizzazzjonijiet ma tirrigwardax materji oħra barra s-sajd.

Artikolu 7

Atti adottati mill-istituzzjonijiet li għalihom jirreferu d-disposizzjonijiet transitorji stabbiliti minn dan il-Protokoll għandhom iżommu l-istatus ġuridiku tagħhom; b'mod partikolari, l-proċeduri biex jiġu emendati dawk l-atti għandhom jibqgħu japplikaw.

Artikolu 8

Disposizzjonijiet ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas-16 ta' April 2003, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej u l-Qorti Ġenerali, li l-iskop jew l-effett tagħhom hu li jħassar jew jemenda, b'miżura li ma tkunx transitorja, atti adottati mill-istituzzjonijiet, mill-korpi jew mill-aġenziji tal-Komunità Ewropea jew ta' l-Unjoni Ewropea stabbilita bit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, għandhom jibqgħu fis-seħħ bla preġudizzju għall-applikazzjoni tat-tieni paragrafu.

Dawn id-disposizzjonijiet għandu jkollhom l-istess natura ġuridika bħall-atti li jħassru jew jemendaw, u għandhom ikunu suġġetti għall-istess regoli bħal dawk l-atti.

Artikolu 9

It-testi ta' l-atti ta' l-istituzzjonijiet, korpi u aġenziji tal-Komunità jew ta' l-Unjoni Ewropea stabbiliti bit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-testi ta' l-atti tal-Bank Ċentrali Ewropew li ġew adottati qabel l-1 ta' Mejju 2004, u li kienu mfassla bil-lingwa Ċeka, Estona, Latvjana, Litwana, Ungeriża, Maltija, Pollakka, Slovena u Slovakka għandhom ikunu awtentiċi minn dik id-data, bl-istess kondizzjonijiet bħat-testi stabbiliti u awtentiċi fil-lingwi l-oħra.

Artikolu 10

Liġi Ewropea tal-Kunsill tista' tħassar d-disposizzjonijiet transitorji stabbiliti f'dan il-Protokoll, meta ma jibqgħux iżjed applikabbli. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew.

Artikolu 11

L-applikazzjoni tal-Kostituzzjoni u ta' atti adottati mill-istituzzjonijiet għandhom, bħala miżura transitorja, jkunu soġġetti għad-derogi kif provdut f'dan il-Protokoll.

TITOLU II

DISPOSIZZJONIJIET PERMANENTI

Artikolu 12

L-aġġustamenti għall-atti elenkati fl-Anness III ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas-16 ta' April 2003, li jsiru meħtieġa bl-adeżjoni għandhom jitfasslu skond il-linji gwida stipulati f'dak l-Anness u skond il-proċedura u l-kondizzjonijiet previsti fl-Artikolu 36.

Artikolu 13

Il-miżuri elenkati fil-lista li tinstab fl-Anness IV ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas-16 ta' April 2003 għandhom jiġu applikati skond il-kondizzjonijiet stipulati f'dak l-Anness.

Artikolu 14

Liġi Ewropea tal-Kunsill tista' tagħmel l-aġġustamenti li jistgħu jkunu meħtieġa minħabba f'xi tibdil fid-dritt ta' l-Unjoni, għad-disposizzjonjiet ta' dan il-Protokoll, f'dak li għandu x'jaqsam mal-politika agrikola komuni . Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew.

TITOLU III

DISPOSIZZJONIJIET TEMPORANJI

Artikolu 15

Il-miżuri elenkati fil-lista li tinstab fl-Annessi V, VI, VII, VIII, IX, X, XI, XII, XIII u XIV ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas-16 ta' April 2003 għandhom japplikaw fir-rigward ta' l-Istati Membri l-ġodda taħt il-kondizzjonijiet stipulati f'dawk l-Annessi.

Artikolu 16

1.   Id-dħul msemmi “dazji tat-Tariffa Doganali Komuni u dazji oħra” previst fl-Artikolu 2(1)(b) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/597/KE, Euratom tad-29 ta' Settembru 2000, dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (11), jew id-disposizzjoni korrispondenti f'xi Deċiżjoni li tissostitwiha, għandu jinkludi d-dazji doganali kkalkulati abbażi tar-rati li jirriżultaw mit-Tariffa Doganali Komuni u kwalunkwe konċessjoni ta' tariffa li għandha x'taqsam magħha applikata mill-Unjoni fil-kummerċ ta' l-Istati Membri l-ġodda ma' pajjiżi terzi.

2.   Għas-sena 2004, il-bażi ta' stima armonizzata tat-taxxa fuq il-valur miżjud u l-bażi tad-dħul gross nazzjonali (GNI — gross national income) ta' kull Stat Membru ġdid, previst fl-Artikolu 2(1)(ċ) u (d) tad-Deċiżjoni 2000/597/KE, Euratom għandhom ikunu daqs żewġ terzi tal-bażi annwali. Il-bażi tal-GNI ta' kull Stat Membru ġdid li għandha tiġi kkunsidrata għall-kalkolu tal-finanzjament tal-korrezzjoni fir-rigward ta' żbilanċi fil-budget konċessa lir-Renju Unit, previst fl-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni 2000/597/KE, Euratom għandha bl-istess mod tkun ekwivalenti għal żewġ terzi tal-bażi annwali.

3.   Sabiex tiġi stabbilita r-rata ffriżata għall-2004 skond l-Artikolu 2(4)(b) tad-Deċiżjoni 2000/597/KE, Euratom il-bażi kkappjata tat-taxxa fuq il-valur miżjud ta' l-Istati Membri l-ġodda għandha tiġi kkalkulata abbażi ta' żewġ terzi tal-bażi mhux ikkappjata tat-taxxa fuq il-valur miżjud tagħhom u ta' żewġ terzi tal-GNI tagħhom.

Artikolu 17

1.   Il-budget ta' l-Unjoni għas-sena finanzjarja 2004 ġie adattat permezz ta' budget rettifikatorju li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 2004 sabiex jieħu in konsiderazzjoni l-adeżjoni ta' l-Istati Membri l-ġodda.

2.   It-tnax-il dodiċesimu mensili ta' riżorsi bbażati fuq il-VAT u l-GNI li għandu jitħallas mill-Istati Membri l-ġodda taħt il-budget rettifikatorju previst fil-paragrafu 1, kif ukoll l-aġġustament retroattiv tad-dodiċesimu mensili għal perjodu minn Jannar sa April 2004 li japplikaw biss għall-Istati Membri attwali, għandhom jinbidlu f'ottavi li jitħallsu waqt il-perijodu bejn Mejju u Diċembru 2004. Bl-istess mod, l-aġġustamenti retroattivi li jirriżultaw minn xi budget rettifikatorju sussegwenti adottat fl-2004, għandhom bl-istess mod jinbidlu f'partijiet indaqs li jitħallsu matul il-bqija tas-sena.

Artikolu 18

Fl-ewwel jum utli ta' kull xahar l-Unjoni għandha tħallas lir-Repubblika Ċeka, lil Ċipru, lil Malta u lis-Slovenja, bħala parti min-nefqa taħt il-budget ta' l-Unjoni, ottav fl-2004, mill-1 ta' Mejju 2004, u dodiċesimu fl-2005 u l-2006 ta' l-ammonti ta' kumpens temporanju tal-budget li ġejjin:

(miljuni ta' euro, prezzijiet ta' l-1999)

 

2004

2005

2006

ir-Repubblika Ċeka

125,4

178,0

85,1

Ċipru

68,9

119,2

112,3

Malta

37,8

65,6

62,9

is-Slovenja

29,5

66,4

35,5

Artikolu 19

Fl-ewwel jum utli ta' kull xahar l-Unjoni għandha tħallas lir-Repubblika Ċeka, lill-Estonja, lil Ċipru, lil-Latvja, lil-Litwanja, lill-Ungerija, lil Malta, lill-Polonja, lis-Slovenja u lis-Slovakkja, bħala parti min-nefqa taħt il-budget ta' l-Unjoni, ottav fl-2004, mill-1 ta' Mejju 2004, u dodiċesimu fl-2005 u l-2006 ta' l-ammonti li ġejjin f'somma definita bħala faċilità speċjali għal-likwidità:

(miljuni ta' euro, prezzijiet ta' l-1999)

 

2004

2005

2006

ir-Repubblika Ċeka

174,7

91,55

91,55

l-Estonja

15,8

2,90

2,90

Ċipru

27,7

5,05

5,05

il-Latvja

19,5

3,40

3,40

il-Litwanja

34,8

6,30

6,30

l-Ungerija

155,3

27,95

27,95

Malta

12,2

27,15

27,15

il-Polonja

442,8

550,00

450,00

is-Slovenja

65,4

17,85

17,85

is-Slovakkja

63,2

11,35

11,35

1 000 miljun euro għall-Polonja u 100 miljun euro għar-Repubblika Ċeka, inklużi fis-somma waħda definita ta' faċilità speċjali għal-likwidità, għandhom jittieħdu in konsiderazzjoni f'kull kalkolu tar-ripartizzjoni tal-Fondi Strutturali għas-snin 2004, 2005 u 2006.

Artikolu 20

1.   L-Istati Membri l-ġodda elenkati hawn taħt għandhom iħallsu l-ammonti li ġejjin lill-Fond għar-Riċerka dwar il-Faħam u l-Azzar previst fid-Deċiżjoni 2002/234/KEFA tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill tas-27 ta' Frar 2002 dwar il-konsegwenzi finanzjarji tat-tmiem tat-Trattat tal-KEFA u dwar il-Fond għar-Riċerka għall-Faħam u l-Azzar (12):

(miljuni ta' euro, prezzijiet attwali)

ir-Repubblika Ċeka

39,88

l-Estonja

2,50

il-Latvja

2,69

l-Ungerija

9,93

il-Polonja

92,46

is-Slovenja

2,36

is-Slovakkja

20,11

2.   Il-kontribuzzjonijiet għall-Fond għar-Riċerka dwar il-Faħam u l-Azzar għandhom isiru f'erba' pagamenti li jibdew fl-2006 u jitħallsu kif ġej, f'kull każ fl-ewwel jum utli ta' l-ewwel xahar ta' kull sena:

2006:

15 %

2007:

20 %

2008:

30 %

2009:

35 %

Artikolu 21

1.   Ħlief fejn previst xort'oħra f'dan il-Protokoll, l-ebda impenn finanzjaru ma għandu jsir taħt il-programm Phare (13), il-programm Phare ta' Koperazzjoni Transkonfinali (14), il-fondi ta' qabel l-adeżjoni għal Ċipru u Malta (15), il-programm ISPA (16) u l-programm SAPARD (17) favur l-Istati Membri l-ġodda wara l-31 ta' Diċembru 2003. L-Istati Membri l-ġodda għandhom jirċievu l-istess trattament bħall-Istati Membri attwali rigward in-nefqa taħt l-ewwel tliet intestaturi tal-Perspettiva Finanzjarja, kif imfissra fil-Ftehim Interistituzzjonali tas-6 ta' Mejju 1999 (18), mill-1 ta' Jannar 2004, soġġett għall-ispeċifikazzjonijiet u eċċezzjonijiet individwali ta' hawn taħt jew kif previst b'mod ieħor f'dan il-Protokoll. L-approprjazzjonijiet addizzjonali massimi għall-intestaturi 1, 2, 3 u 5 tal-Perspettiva Finanzjarja li għandhom x'jaqsmu mat-tkabbir huma mniżżla fl-Anness XV ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas-16 ta' April 2003. Madanakollu, qabel ma tkun seħħet l-adeżjoni ta' l-Istat Membru l-ġdid rilevanti ma jista' jittieħed l-ebda impenn finanzjarju taħt l-estimi ta' l-2004 għal kwalunkwe programm jew aġenzija in kwistjoni.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għan-nefqa taħt il-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanziji, Sezzjoni Garanzija, skond l-Artikoli 2(1), 2(2) u 3(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 1258/1999 tas-17 ta' Mejju 1999 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (19), li ser tkun eliġibbli għall-fondi Komunitarji biss mill-1 ta' Mejju 2004, skond l-Artikolu 2 ta' dan il-Protokoll.

Madankollu, l-paragrafu 1 għandu japplika għal infiq għal żvilupp rurali taħt il-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanziji, Sezzjoni Garanzija, skond l-Artikolu 47a tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 tas-17 ta' Mejju 1999 dwar sostenn għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanziji(EAGGF) u li jemenda u jħassar ċerti regolamenti (20), bla ħsara għall-kondizzjonijiet stabbiliti fl-emenda ta' dak ir-Regolament, li jinsab fl-Anness II għall-Att ta' l-Adeżjoni tas-16 ta' April 2003.

3.   Bla ħsara għall-aħħar sentenza tal-paragrafu 1, mill-1 ta' Jannar 2004, l-Istati Membri l-ġodda għandhom jipparteċipaw fil-programmi u l-aġenziji ta' l-Unjoni skond l-istess kondizzjonijiet bħall-Istati Membri attwali b'fondi mill-budget ġenerali ta' l-Unjoni.

4.   Jekk ikunu meħtieġa xi miżuri biex jiffaċilitaw it-transizzjoni mir-reġim ta' qabel l-adeżjoni għal dak li jirriżulta mill-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, l-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri meħtieġa.

Artikolu 22

1.   Mill-1 ta' Mejju 2004, it-tnedija għal offerti, l-kuntratti, l-implimentazzjoni u l-pagamenti ta' l-għajnuna ta' qabel l-adeżjoni taħt il-programm ta' Phare, il-programm ta' koperazzjoni transkonfinali fil-kwadru tal-programm Phare u l-fondi ta' qabel l-adeżjoni għal Ċipru u Malta għandhom jiġu amministrati minn aġenziji ta' implimentazzjoni fl-Istati Membri l-ġodda.

Il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjonijiet Ewropej biex tneħħi l-kontroll ex-ante mill-Kummissjoni fuq it-tnedija għal offerti u l-kuntratti wara valutazzjoni posittiva tas-Sistema ta' Implimentazzjoni Deċentralizzata u Estiża (EDIS) skond il-kriterji u l-kondizzjonijiet stipulati fl-Anness tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 1266/1999 tal-21 ta' Ġunju 1999 dwar il-kordinazzjoni ta' l-għajnuna lill-pajjiżi applikanti fil-kwadru ta' l-istrateġija ta' qabel l-adeżjoni u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru. 3906/89 (21).

Jekk dawn id-deċiżjonijiet biex jitneħħa l-kontroll ex-ante ma jkunux ġew adottati qabel l-1 ta' Mejju 2004, kull kuntratt iffirmat bejn l-1 ta' Mejju 2004 u d-data li fiha jittieħdu d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni m'għandux ikun eliġibbli għall-għajnuna ta' qabel l-adeżjoni.

Madanakollu, eċċezzjonalment, jekk id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jneħħu l-kontroll ex-ante ikunu posposti sa wara l-1 ta' Mejju 2004 għal raġunjiet li mhumiex attribwibbli lill-awtoritajiet ta' Stat Membru ġdid, il-Kummissjoni tista' taċċetta, f'każijiet iġġustifikati kif xieraq, l-eliġibilità għall-għajnuna ta' qabel l-adeżjoni ta' kuntratti ffirmati bejn l-1 ta' Mejju 2004 u d-data ta' l-adozzjoni ta' dawn id-deċiżjonijiet, u l-kontinwazzjoni ta' l-implimentazzjoni ta' l-għajnuna ta' qabel l-adeżjoni għal perjodu limitat, bla ħsara għall-kontroll ex-ante mill-Kummissjoni fuq it-tnedija għal offerti u l-kuntratti.

2.   L-impenji globali fuq il-budget li saru qabel l-1 ta' Mejju 2004 taħt l-istrumenti finanzjarji ta' qabel l-adeżjoni previsti fil-paragrafu 1, inklużi l-konkluzjoni u r-reġistrazzjoni ta' impenji u pagamenti legali individwali sussegwenti li jsiru wara l-1 ta' Mejju 2004, għandhom ikomplu jkunu regolati mir-regoli u regolamenti ta' l-istrumenti finanzjarji ta' qabel l-adeżjoni u jitħallsu mill-kapitoli korrispondenti tal-budget sa l-għeluq tal-programmi u l-proġetti in kwistjoni. Madankollu, l-proċeduri ta' l-akkwist pubbliku li nbdew wara l-1 ta' Mejju 2004 għandhom jitwettqu skond l-atti rilevanti ta' l-Unjoni.

3.   L-aħħar eżerċizzju ta' programmazzjoni ta' l-għajnuna ta' qabel l-adeżjoni previst fil-paragrafu 1 għandu jseħħ fl-aħħar sena kalendarja sħiħa qabel l-1 ta' Mejju 2004. Azzjonijiet taħt dawn il-programmi jridu jiġu kuntrattati matul is-sentejn ta' wara u pagamenti għandhom jiġu magħmula kif provdut fil-Memorandum tal-Finanzjament (22), normalment sat-tmiem tat-tielet sena wara l-impenn. Ma tista' tingħata l-ebda estensjoni għall-perijodu kontrattwali. Eċċezzjonalment u f'każijiet ġustifikati kif xieraq, jistgħu jingħataw estensjonijiet limitati tat-terminu għall-ħlas.

4.   Biex tkun żgurata s-soppressjoni progressiva neċessarja ta' strumenti finanzjari ta' qabel l-adeżjoni previsti fil-paragrafu 1 kif ukoll il-programm ISPA, u transizzjoni bla xkiel mir-regoli applikabbli qabel l-1 ta' Mejju 2004 għal dawk applikabbli wara dik id-data, l-Kummissjoni tista' tieħu kull miżura xierqa biex tiżgura li l-persunal statutorju meħtieġ jkun miżmum fl-Istati Membri l-ġodda għal massimu ta' ħmistax-il xahar wara l-1 ta' Mejju 2004. Matul dan il-perijodu, uffiċjali assenjati għal postijiet fl-Istati

Membri l-ġodda qabel l-1 ta' Mejju 2004 u li huma meħtieġa li jibqgħu fis-servizz f'dawk l-Istati wara l-1 ta' Mejju 2004 għandhom jibbenefikaw, bħala eċċezzjoni, mill-istess kondizzjonijiet finanzjarji u materjali li kienu applikati mill-Kummissjoni qabel l-1 ta' Mejju 2004 skond l-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet ta' l-Impjieg applikabbli għall-Agenti l-oħra tal-Komunitajiet Ewropej stipulati fir-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru. 259/68 (23). In-nefqa amministrattiva, inklużi s-salarji ta' persunal ieħor, meħtieġa għall-amministrazzjoni ta' l-għajnuna ta' qabel l-adeżjoni għandha tiġi koperta, għas-sena 2004 kollha u sa l-aħħar ta' Lulju ta' l-2005, taħt l-intestatura “nefqa għas-sostenn ta' operazzjonijiet” (li qabel kienet il-parti B tal-budget) jew intestaturi ekwivalenti għall-istrumenti finanzjarji previsti fil-paragrafu 1 kif ukoll il-programm ta' l-ISPA, ta' l-budgets kollha rilevanti ta' qabel l-adeżjoni.

5.   Meta xi proġetti li ġew approvati taħt ir-Regolament (KE) Nru. 1258/1999 ma jistgħux jibqgħu jiġu ffinanzjati taħt dak l-istrument, dawn jistgħu jiġu ntegrati fil-programmazzjoni għall-iżvilupp rurali u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanziji. Jekk f'dan ir-rigward ikunu meħtieġa xi miżuri transitorji speċifiċi, dawn għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skond il-proċeduri stipulati fl-Artikolu 50(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 1260/1999 tal-21 ta' Ġunju 1999 li jistabbilixxi d-disposizzjonijiet ġenerali tal-Fondi Strutturali (24).

Artikolu 23

1.   Bejn l-1 ta' Mejju 2004 u l-aħħar ta' l-2006, l-Unjoni għandha tipprovdi għajnuna finanzjarja temporanja, minn hawn 'il quddiem imsejjħa “il-Faċilità għat-Transizzjoni”, lill-Istati Membri l-ġodda sabiex jiżviluppaw u jsaħħu l-kapaċità amministrattiva tagħhom biex jimplimentaw u jinforzaw id-dritt ta' l-Unjoni u tal-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika u sabiex jippromwovu l-iskambju ta' l-aħjar prattika inter pares.

2.   L-għajnuna għandha tittratta l-ħtieġa kontinwa għat-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali f'ċerti oqsma permezz ta' azzjoni li ma tistax tiġi ffinanzjata mill-Fondi Strutturali, b'mod partikolari fl-oqsma li ġejjin:

a)

ġustizzja u intern (tisħiħ tas-sistema ġudizzjarja, kontrolli fuq il-fruntieri esterni, strateġija kontra l-korruzzjoni, tisħiħ tal-kapaċità għar-rinfurzar tal-miżuri repressivi);

b)

kontroll finanzjarju;

ċ)

protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji ta' l-Unjoni u tal-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika u l-ġlieda kontra l-frodi;

d)

suq intern, inkluża l-unjoni doganali;

e)

ambjent;

f)

servizzi veterinarji u tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva li għandha x'taqsam mas-sigurtà ta' l-ikel;

g)

strutturi amministrattivi u ta' kontroll għall-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, inkluża s-Sistema Integrata ta' Amministrazzjoni u Kontroll (IACS);

h)

sigurtà nukleari (tisħiħ ta' l-effettività u l-kompetenza ta' l-awtoritajiet tas-sigurtà nukleari u l-organizzazzjonijiet ta' sostenn tekniku tagħhom kif ukoll l-aġenziji pubbliċi għall-amministrazzjoni ta' l-iskart radjuattiv);

i)

statistika;

j)

tisħiħ ta' l-amministrazzjoni pubblika skond il-ħtiġijiet identifikati fir-rapport ta' monitoraġġ komprensiv tal-Kummissjoni u li mhumiex koperti mill-Fondi Strutturali.

3.   Għajnuna taħt il-Faċilità għat-Transizzjoni għandha tiġi deċiża skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 3906/89 tat-18 ta' Diċembru 1989 dwar għajnuna ekonomika lil ċerti pajjiżi ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant (25).

4.   Il-programm għandu jiġi mplimentat skond l-Artikolu 53(1)(a) u (b) tar-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (26) jew skond il-liġi li tissostiwih. Għal proġetti ta' ġemellaġġ bejn amministrazzjonijiet pubbliċi sabiex jirrinfurzaw l-istituzzjonijiet, il-proċedura għas-sejħa għal proposti permezz ta' rettikolat ta' punti ta' kuntatt fl-Istati Membri għandha tibqa' tapplika, kif stabbilit fil-Ftehim Kwadru ma' l-Istati Membri attwali għall-finijiet ta' l-għajnuna ta' qabel l-adeżjoni.

L-approprjazzjonijiet ta' flus impenjati għall-Faċilità għat-Transizzjoni, skond il-prezzijiet ta' l-1999, għandhom ikunu ta' 200 miljun euro fl-2004, 120 miljun euro fl-2005 u 60 miljun euro fl-2006. L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-awtorità tal-budget sal-limiti tal-perspettiva finanzjarja kif imfisser bil-Ftehim Interistituzzjonali tas-6 ta' Mejju 1999.

Artikolu 24

1.   Qed tinħoloq hawnhekk Faċilità ta' Schengen bħala strument temporanju biex jgħin lill-Istati Membri benefiċjarji bejn l-1 ta' Mejju 2004 u l-aħħar ta' l-2006 fil-finanzjament ta' azzjonijiet mal-fruntieri esterni ġodda ta' l-Unjoni għall-implimentazzjoni ta' l-acquis ta' Schengen u l-kontroll tal-fruntieri esterni.

Sabiex jiġu trattati n-nuqqasijiet identifikati fil-preparazzjoni għall-parteċipazzjoni f'Schengen, huma eliġibbli għall-finanzjament taħt il-Faċilità ta' Schengen it-tipi ta' azzjonijiet li ġejjin:

a)

investiment fil-bini, restawr jew titjib ta' l-infrastruttura għall-qsim tal-fruntieri u bini konness;

b)

investiment f'kull tip ta' tagħmir għal operazzjonijiet (p.e. tagħmir tal-laboratorju, għodda għall-investigazzjoni, Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen - hardware u software tas-SIS II, mezzi tat-trasport);

ċ)

taħriġ ta' gwardji tal-fruntieri;

d)

sostenn fl-ispejjeż għal-loġistika u l-operazzjonijiet.

2.   L-ammonti li ġejjin għandhom ikunu disponibbli taħt il-Faċilità ta' Schengen fl-għamla ta' pagament ta' għotja f'somma waħda mill-1 ta' Mejju 2004 lill-Istati Membri benefiċjarji elenkati hawn taħt:

(miljuni ta' euro, prezzijiet ta' l-1999)

 

2004

2005

2006

l-Estonja

22,90

22,90

22,90

il-Latvja

23,70

23,70

23,70

il-Litwanja

44,78

61,07

29,85

l-Ungerija

49,30

49,30

49,30

il-Polonja

93,34

93,33

93,33

is-Slovenja

35,64

35,63

35,63

is-Slovakkja

15,94

15,93

15,93

3.   L-Istati Membri benefiċjarji għandhom ikunu responsabbli għall-għażla u l-implimentazzjoni ta' operazzjonijiet individwali skond dan l-Artikolu. Huma għandhom ikunu responsabbli wkoll għall-kordinazzjoni ta' l-użu tal-Faċilità ta' Schengen b'għajnuna minn strumenti oħra ta' l-Unjoni, sabiex jiżguraw il-kompatibilità ma' kull politika u miżura ta' l-Unjoni u l-ħarsien tar-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej jew mal-liġi Ewropea li tissostitwih.

Il-pagamenti ta' għotja f'somma waħda ta' flus għandhom jintużaw fi żmien tliet snin mill-ewwel pagament u l-fondi kollha li ma jintużawx jew li jintnefqu b'mod mhux ġustifikabbli għandhom jiġu rkuprati mill-Kummissjoni. L-Istati Membri benefiċjarji għandhom jissottomettu, mhux aktar tard minn sitt xhur wara l-iskadenza tat-terminu ta' tliet snin, rapport komprensiv dwar l-eżekuzzjoni finanzjarja tal-pagamenti ta' għotja f'somma waħda b'rendikont li jiġġustifika n-nefqa.

L-Istat Membru benefiċjarju għandu jeżerċita din ir-responsabbiltà mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-budget ta' l-Unjoni u skond id-disposizzjonijiet fl-imsemmi Regolament Finanzjarju, jew skond il-liġi Ewropea li tissostitwih, applikabbli għall-amministrazzjoni deċentralizzata.

4.   Il-Kummissjoni żżomm id-dritt tal-verifika, permezz ta' l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF). Il-Kummissjoni u l-Qorti ta' l-Awdituri jistgħu wkoll jagħmlu kontrolli fuq il-post skond il-proċeduri xierqa.

5.   Il-Kummissjoni tista' tadotta kull disposizzjoni teknika meħtieġa għat-tħaddim ta' din il-Faċilità ta' Schengen.

Artikolu 25

L-ammonti previsti fl-Artikoli 18, 19, 23, u 24 għandhom jiġu aġġustati kull sena, bħala parti mill-aġġustament tekniku previst fl-Artikolu 15 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-6 ta' Mejju 1999.

Artikolu 26

1.   Jekk, sa l-aħħar ta' perijodu ta' mhux aktar minn tliet snin mill-1 ta' Mejju 2004 jinqalgħu diffikultajiet serji u li x'aktarx jippersistu f'xi settur ta' l-ekonomija jew li jistgħu jikkawżaw xi deterjorazzjoni serja fis-sitwazzjoni ekonomika ta' xi żona partikolari, Stat Membru ġdid jista' japplika għall-awtorizzazzjoni biex jieħu miżuri protettivi sabiex jirranġa s-sitwazzjoni u jaġġusta s-settur kkonċernat għall-ekonomija tas-suq intern.

Fl-istess ċirkostanzi, kull Stat Membru attwali jista' japplika biex jiġi awtorizzat jieħu miżuri protettivi fir-rigward ta' wieħed jew aktar mill-Istati Membri l-ġodda.

2.   Fuq talba mill-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni għandha, bi proċedura ta' emerġenża, tadotta r-regolamenti jew id-deċiżjonijiet Ewropej li jistabbilixxu l-miżuri protettivi li jidhrilha meħtieġa, u għandha tispeċifika l-kondizzjonijiet u l-modalitajiet li taħthom għandhom jidħlu fis-seħħ dawn il-miżuri.

F'każ ta' diffikultajiet ekonomiċi serji u fuq talba diretta mill-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni għandha taġixxi fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol minn meta taslilha t-talba li għandu jkun fiha l-informazzjoni rilevanti meħtieġa. Il-miżuri li dwarhom tkun ittieħdet deċiżjoni għandhom ikunu applikabbli immedjatament, għandhom jikkunsidraw l-interessi tal-partijiet kkonċernati kollha u ma għandhomx jinvolvu kontrolli fuq il-fruntieri.

3.   Il-miżuri awtorizzati permezz tal-paragrafu 2 jistgħu jinvolvu derogi mir-regoli tal-Kostituzzjoni, u b'mod partikolari minn dan il-Protokoll, safejn u għal dawk il-perjodi li huma strettament meħtieġa sabiex jinkisbu l-għanijiet previsti fil-paragrafu 1. Għandha tingħata prijorità lil dawk il-miżuri li l-inqas ifixklu l-funzjonament tas-suq intern.

Artikolu 27

Jekk Stat Membru ġdid ikun naqas milli jimplimenta l-impenji meħuda fil-kuntest tan-negozjati dwar l-adeżjoni, inkluż kull impenn f'kull politika settorjali li tikkonċerna attivitajiet ekonomiċi b'effett transkonfinali, u b'dan jikkawża disfunzjoni serja tas-suq intern, jew riskju imminenti ta' dan id-disfunzjoni, l-Kummissjoni tista', sa l-aħħar tal-perijodu ta' mhux akar minn tliet snin wara l-1 ta' Mejju 2004, fuq it-talba motivata minn Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, tadotta regolamenti jew deċiżjonijiet Ewropej li jistabbilixxu miżuri xierqa.

Il-miżuri għandhom ikunu proporzjonati u għandha tingħata prijorità lil miżuri li l-inqas jiddisturbaw il-funzjonament tas-suq intern u, fejn xieraq, lill-applikazzjoni ta' mekkaniżmi ta' salvagwardja settorjali eżistenti. Dawn il-miżuri ta' salvagwardja ma għandhomx jiġu nvokati bħala mezz ta' diskriminazzjoni arbitrarja jew ta' restrizzjoni mmaskrata fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Dawn il-miżuri ma għandhomx jinżammu għal iktar żmien milli huwa strettament meħtieġ, u, f'kull każ, għandhom jitneħħew meta l-impenn rilevanti jiġi mplimentat. Madanakollu jistgħu jiġu applikati wara l-perijodu speċifikat fl-ewwel paragrafu sakemm l-impenji rilevanti ma jkunux ġew imwettqa. Il-Kummissjoni tista' taddatta l-miżuri li jkun hemm bżonn skond kif l-Istat Membru l-ġdid ikun wettaq l-impenji tiegħu,. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kunsill fi żmien utli qabel ma' tħassar r-regolamenti u d-deċiżjonijiet Ewropej li jistabbilixxu l-miżuri ta' salvagwardja, u għandha tikkunsidra kif xieraq kull osservazzjoni tal-Kunsill f'dan ir-rigward.

Artikolu 28

Jekk ikun hemm nuqqasijiet serji jew perikli imminenti ta' tali nuqqasijiet fi Stat Membru ġdid fit-trasposizzjoni, l-istat ta' implimentazzjoni jew l-applikazzjoni tad-deċiżjonijiet kwadru jew ta' kull impenn rilevanti ieħor, ta' l-istrumenti ta' koperazzjoni u tad-deċiżjonijiet li għandhom x'jaqsmu mar-rikonoxximent reċiproku fil-qasam tal-liġi kriminali adottati skond it-Titolu VI tat-Trattat dwar l-UE, tad-Direttivi u tar-Regolamenti li għandhom x'jaqsmu mar-rikonoxximent reċiproku fi kwistjonijiet ċivili adottati skond it-Titolu IV tat-Trattat tal-KE, u tal-liġijiet u tal-liġijiet kwadru Ewropej adottati abbażi tal-Parti III, t-Titolu III, l-Kapitolu IV, is-Sezzjonijiet 3 u 4 tal-Kostituzzjoni, l-Kummissjoni tista', sa l-aħħar tal-perijodu ta' mhux aktar minn tliet snin wara l-1 ta' Mejju 2004, fuq it-talba motivata minn Stat Membru, jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, u wara li tikkonsulta lill-Istati Membri, tadotta regolamenti jew deċiżjonijiet Ewropej li jistabbilixxu miżuri xierqa u jispeċifikaw il-kondizzjonijiet u l-modalitajiet li taħthom dawn il-miżuri għandhom jidħlu fis-seħħ.

Dawn il-miżuri jistgħu jieħdu l-forma ta' sospensjoni temporanja ta' l-applikazzjoni ta' disposizzjonijiet u deċiżjonijiet rilevanti fir-rigward ta' relazzjonijiet bejn Stat Membru ġdid u Stat Membru jew Stati Membri oħra, bla ħsara għat-tkomplija ta' koperazzjoni ġudizzjarja mill-qrib. Dawn il-miżuri ma għandhomx jinżammu għal iktar żmien milli huwa strettament meħtieġ, u, f'kull każ, għandhom jitneħħew meta n-nuqqasijiet jissewwew. Madanakollu jistgħu jkomplu jiġu applikati wara l-perijodu speċifikat fl-ewwel paragrafu sakemm dawn in-nuqqasijiet jippersistu. Wara li tikkonsulta lill-Istati Membri, l-Kummissjoni tista' taddatta l-miżuri li jkun hemm bżonn skond kif l-Istat Membru l-ġdid ikun irrettifika n-nuqqasijiet identifikati. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kunsill fi żmien utli qabel ma' tħassar il-miżuri ta' salvagwardja, u għandha tikkunsidra kif xieraq kull osservazzjoni tal-Kunsill f'dan ir-rigward.

Artikolu 29

Sabiex ma jiġix imxekkel il-funzjonament kif suppost tas-suq intern, l-implimentazzjoni tar-regoli nazzjonali ta' l-Istati Membri l-ġodda matul il-perijodi transitorji previsti fl-Annessi V sa XIV għall-Att ta' l-Adeżjoni tas-16 ta' April 2003 ma għandhomx iwasslu għal kontrolli fuq il-fruntieri bejn l-Istati Membri.

Artikolu 30

Jekk ikunu meħtieġa miżuri transitorji sabiex jiffaċilitaw it-transizzjoni mir-reġim eżistenti fl-Istati Membri l-ġodda għal dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-politika agrikola komuni taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan il-Protokoll, dawn il-miżuri għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 42(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 1260/2001 tad-19 ta' Ġunju 2001 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (27), jew jekk ikun il-każ, fl-Artikoli korrispondenti tar-Regolamenti l-oħra dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli jew il-liġijiet Ewropej li jissostitwuhom jew skond il-proċedura rilevanti kif stabbilita fil-leġislazzjoni applikabbli. Il-miżuri transitorji previsti f'dan l-Artikolu jistgħu jittieħdu matul perijodu ta' tliet snin wara l-1 ta' Mejju 2004 u l-applikazzjoni tagħhom għandha tkun limitata għal dak il-perjodu. Liġi Ewropea tal-Kunsill tista' testendi dan il-perjodu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew.

Artikolu 31

Jekk ikunu meħtieġa miżuri transitorji sabiex jiffaċilitaw it-transizzjoni mir-reġim eżistenti fl-Istati Membri l-ġodda għal dak li jirriżulta mill-implimentazzjoni tar-regoli veterinarji u fitosanitarji tal-Unjoni, dawn il-miżuri għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura rilevanti kif stabbilita mil-leġislazzjoni applikabbli. Dawn il-miżuri għandhom jittieħdu matul perijodu ta' tliet snin wara l-1 ta' Mejju 2004 u l-applikazzjoni tagħhom għandha tkun limitata għal dak il-perijodu.

Artikolu 32

1.   Il-mandat tal-membri l-ġodda tal-Kumitati, gruppi u korpi oħra elenkati fl-Anness XVI ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas-16 ta' April 2003 għandu jiskadi fl-istess ħin bħal dak tal-membri in kariga fl-1 ta' Mejju 2004.

2.   Il-mandat tal-membri l-ġodda tal-Kumitati u tal-gruppi maħluqa mill-Kummissjoni elenkati fl-Anness XVII ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas-16 ta' April 2003, għandu jiskadi fl-istess żmien bħal dak tal-membri in kariga fl-1 ta' Mejju 2004.

TITOLU IV

APPLIKABILITÀ TA' L-ATTI TA' L-ISTITUZZJONIJIET

Artikolu 33

Mill-1 ta' Mejju 2004, l-Istati Membri l-ġodda għandhom jitqiesu bħala destinatarji tad-direttivi u tad-deċiżjonijiet fis-sens ta' l-Artikolu 249 tat-Trattat tal-KE u ta' l-Artikolu 161 tat-Trattat tal-KEEA, meta dawk id-direttivi u d-deċiżjonijiet ikunu ġew indirizzati lill-Istati Membri attwali kollha. Ħlief f'dak li għandu x'jaqsam mad-direttivi u d-deċiżjonijiet li jidħlu fis-seħħ bis-saħħa ta' l-Artikolu 254 (1) u (2) tat-Trattat tal-KE, l-Istati Membri l-ġodda għandhom jitqiesu li jkunu rċevew notifika ta' dawk id-direttivi u d-deċiżjonijiet fl-1 ta' Mejju 2004.

Artikolu 34

L-Istati Membri l-ġodda għandhom idaħħlu fis-seħħ dawk il-miżuri meħtieġa biex ikunu jistgħu jħarsu, mill-1 ta' Mejju 2004, dawk id-disposizzjonijiet ta' direttivi u deċiżjonijiet fis-sens ta' l-Artikolu 249 tat-Trattat tal-KE u ta' l-Artikolu 161 tat-Trattat tal-KEEA, sakemm terminu ta' żmien ieħor ma jkunx ipprovdut għal fl-Annessi previsti fl-Artikolu 15 jew f'xi disposizzjonijiet oħra ta' dan il-Protokoll.

Artikolu 35

Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor, il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta r-regolamenti u d-deċiżjonijiet Ewropej meħtieġa biex jimplimenta d-disposizzjonijiet li hemm fl-Annessi III u IV ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas-16 ta' April 2003 previsti fl-Artikoli 12 u 13 ta' dan il-Protokoll.

Artikolu 36

1.   Meta atti ta' l-istituzzjonijiet adottati qabel l-1 ta' Mejju 2004 għandhom bżonn ta' adattamenti minħabba l-adeżjoni, u ma hemmx provvediment għall-adattamenti meħtieġa minn dan il-Protokoll, dawk l-adattamenti għandhom isiru skond il-proċedura stabbilita bil-paragrafu 2. Dawk l-adattamenti għandhom jidħlu fis-seħħ mill-1 ta' Mejju 2004.

2.   Il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, jew il-Kummissjoni, skond liema minn dawn iż-żewg istituzzjonijiet tkun adottat l-atti orġinali, għandhom għal dan l-iskop jadottaw l-atti meħtieġa.

Artikolu 37

Id-disposizzjonijiet stabbiliti b'liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva li jkollhom l-iskop li jħarsu s-saħħa tal-ħaddiema u tal-pubbliku ġenerali fit-territorju ta' l-Istati Membri l-ġodda kontra l-perikli li jinħolqu minn radjazzjoni jonizzanti għandhom, skond l-Artikolu 33 tat-Trattat tal-KEEA, jiġu notifikati minn dawk l-Istati lill-Kummissjoni fi żmien tliet xhur mill-1 ta' Mejju 2004.

IT-TIENI PARTI

DISPOSIZZJONIJIET DWAR IL-PROTOKOLLI ANNESSI MA' L-ATT TA' L-ADEŻJONI TAS-16 TA' APRIL 2003

TITOLU I

DISPOSIZZJONIJIET TRANSITORJI DWAR IL-BANK EWROPEW TA' L-INVESTIMENT

Artikolu 38

Ir-Renju ta' Spanja għandu jħallas l-ammont ta' 309 686 775 euro bħala s-sehem tiegħu tal-kapital mħallas għaż-żieda fil-kapital sottoskritt. Din il-kontribuzzjoni għandha titħallas fi tmien pagamenti indaqs li għandhom isiru fit-30 ta' Settembru 2004, it-30 ta' Settembru 2005, it-30 ta' Settembru 2006, il-31 ta' Marzu 2007, it-30 ta' Settembru 2007, il-31 ta' Marzu 2008, it-30 ta' Settembru 2008 u l-31 ta' Marzu 2009.

Ir-Renju ta' Spanja għandu jikkontribwixxi, fi tmien pagamenti ndaqs li għandhom isiru f'dawk id-dati, għar-riservi u l-provvisti li huma ekwivalenti għal riservi, kif ukoll għall-ammont li għad irid ikun approprjat għar-riservi u l-provvisti, li jinkludu l-bilanċ tal-kont tal-qligħ u t-telf, stabbilit fl-aħħar ta' April 2004, kif imniżżel fil-karta tal-bilanċ tal-Bank, f'ammonti li jikkorrispondu għal 4,1292 % tar-riservi u l-provvisti.

Artikolu 39

Mill-1 ta' Mejju 2004, l-Istati Membri l-ġodda għandhom iħallsu l-ammonti li ġejjin li jikkorrispondu mas-sehem tagħhom tal-kapital imħallas għall-kapital sottoskritt kif definit fl-Artikolu 4 ta' l-Istatut tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment:

il-Polonja

170 563 175 euro

ir-Repubblika Ċeka

62 939 275 euro

l-Ungerija

59 543 425 euro

is-Slovakkja

21 424 525 euro

is-Slovenja

19 890 750 euro

il-Litwanja

12 480 875 euro

Ċipru

9 169 100 euro

il-Latvja

7 616 750 euro

l-Estonja

5 882 000 euro

Malta

3 490 200 euro

Dawn il-kontribuzzjonijiet għandhom jitħallsu fi tmien pagamenti ndaqs li għandhom isiru fit-30 ta' Settembru 2004, it-30 ta' Settembru 2005, it-30 ta' Settembru 2006, il-31 ta' Marzu 2007, it-30 ta' Settembru 2007, il-31 ta' Marzu 2008, it-30 ta' Settembru 2008 u l-31 ta' Marzu 2009.

Artikolu 40

L-Istati Membri l-ġodda għandhom jikkontribwixxu, fi tmien pagamenti ndaqs li għandhom isiru fid-dati msemmija fl-Artikolu 39, għar-riservi u l-provvisti ekwivalenti għal riservi, kif ukoll għall-ammont li għad irid ikun approprjat għar-riservi u l-provvisti, li jinkludu l-bilanċ tal-kont tal-qligħ u t-telf, stabbilit fl-aħħar ta' April 2004, kif imniżżel fil-karta tal-bilanċ tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment, f'ammonti li jikkorrispondu għall-perċentwali li ġejjin tar-riservi u l-provvisti:

il-Polonja

2,2742 %

ir-Repubblika Ċeka

0,8392 %

l-Ungerija

0,7939 %

is-Slovakkja

0,2857 %

is-Slovenja

0,2652 %

il-Litwanja

0,1664 %

Ċipru

0,1223 %

il-Latvja

0,1016 %

l-Estonja

0,0784 %

Malta

0,0465 %

Artikolu 41

Il-kapital u l-pagamenti previsti fl-Artikoli 38, 39 u 40 għandhom jitħallsu mir-Renju ta' Spanja u mill-Istati Membri l-ġodda f'euro, ħlief jekk ikun hemm xi deroga deċiża b'mod unanimu mill-Bord tal-Gvernaturi.

TITOLU II

DISPOSIZZJONIJIET DWAR IR-RISTRUTTURAR TA' L-INDUSTRIJA ĊEKA TA' L-AZZAR

Artikolu 42

1.   Minkejja l-Artikoli III-167 u III-168 tal-Kostituzzjoni, għajnuna mill-Istat mogħtija mir-Repubblika Ċeka għal finijiet ta' ristrutturar ta' partijiet speċifiċi ta' l-industrija ta' l-azzar Ċeka mill-1997 sal-2003 għandha tkun meqjusa bħala kompatibbli mas-suq intern sakemm:

a)

il-perjodu previst fl-Artikolu 8(4) tal-Protokoll Nru. 2 dwar prodotti koperti mit-Trattat tal-KEFA anness mal-Ftehim Ewropew li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika Ċeka, min-naħa l-oħra (28), ġie mtawwal sa l-1 ta' Mejju 2004,

b)

it-termini stipulati fil-pjan tar-ristrutturar li abbazi tagħhom ġie mtawwal il-Protokoll previst hawn fuq jitħarsu matul il-perijodu 2002-2006,

ċ)

il-kondizzjonijiet stipulati f'dan it-Titolu jiġu sodisfatti, u

d)

l-ebda għajnuna mill-Istat għar-ristrutturar ma titħallas lill-industrija Ċeka ta' l-azzar wara l-1 ta' Mejju 2004.

2.   Ir-ristrutturar tas-settur Ċek ta' l-azzar, kif imfisser fil-pjanijiet ta' negozju individwali tal-kumpanniji elenkati fl-Anness 1 għall-Protokoll Nru. 2 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas-16 ta' April 2003 (minn issa 'l quddiem imsejjħa “kumpanniji benefiċjarji”), u skond il-kondizzjonijiet stipulati f'dan it-Titolu, għandu jitlesta mhux iktar tard mill-31 ta' Diċembru 2006 (minn issa 'l quddiem imsejjaħ “it-tmiem tal-perjodu ta' ristrutturar”).

3.   Il-kumpanniji benefiċjarji biss għandhom ikunu eliġibbli għal għajnuna mill-Istat fil-qafas tal-programm Ċek tar-ristrutturar ta' l-azzar.

4.   Kumpannija benefiċjarja ma tistax:

a)

fil-każ ta' fużjoni ma' kumpannija li mhijiex fl-Anness 1 għall-Protokoll Nru. 2 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas-16 ta' April 2003, tgħaddi lill-kumpannija benefiċjarja l-benefiċċju ta' l-għajnuna mogħtija lilha;

b)

tieħu pussess ta' l-assi ta' kwalunkwe kumpannija li mhijiex fl-Anness 1 għall-Protokoll Nru.2 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas-16 ta' April 2003 li tkun ġiet dikjarata bħala falluta fil-perijodu sal-31 ta' Diċembru 2006.

5.   Kwalunkwe privatizzazzjoni sussegwenti ta' kwalunkwe kumpannija benefiċjarja għandha tirrispetta l-kondizzjonijiet u l-prinċipji dwar il-vijabilità, għajnuniet mill-Istat u tnaqqis tal-kapaċità kif imfisser f'dan it-Titolu.

6.   L-għajnuna totali għar-ristrutturar li għandha tingħata lill-kumpanniji benefiċjarji għandha tiġi deteminata abbażi tal-ġustifikazzjonijiet stipulati fil-pjan Ċek għar-ristrutturar ta' l-azzar u pjanijiet ta' negozju individwali kif approvati mill-Kunsill. Iżda fi kwalunkwe każ, l-għajnuna mħallsa fil-perijodu 1997-2003 hi limitata għal ammont massimu ta' 14 147 425 201 CZK. Minn din iċ-ċifra totali Novà Huť tirċievi massimu ta' 5 700 075 201 CZK, Vítkovice Steel tirċievi massimu ta' 8 155 350 000 CZK u Vàlcovny Plechu Frýdek Místek tirċievi massimu ta' 292 000 000 CZK skond il-ħtiġijiet kif stipulati fil-pjan approvat ta' ristrutturar. L-għajnuna għandha tingħata darba biss. L-ebda għajnuna oħra mill-Istat m'għandha tingħata mir-Repubblika Ċeka għal għanijiet ta' ristrutturar ta' l-industrija ta' l-azzar Ċeka.

7.   It-tnaqqis fil-kapaċità netta li għandu jintlaħaq mir-Repubblika Ċeka għal prodotti lesti waqt il-perijodu 1997-2006 għandu jkun ta' 590 000 tunnellati metriċi.

It-tnaqqis fil-kapaċità għandu jitkejjel biss abbażi ta' l-għeluq permanenti tal-faċilitajiet ta' produzzjoni permezz ta' distruzzjoni fiżika tali li l-faċilitajiet ma jkunux jistgħu jerġgħu jitħaddmu. Dikjarazzjoni ta' falliment ta' kumpannija ta' l-azzar ma tikkwalifikax bħala tnaqqis fil-kapaċità.

Il-livell previst hawn fuq ta' tnaqqis nett fil-kapaċità, flimkien ma' kwalunkwe tnaqqis ieħor ta' kapaċità identifikat bħala meħtieġ fil-programmi tar-ristrutturar, għandu jintlaħaq skond l-iskeda fl-Anness 2 għall-Protokoll Nru. 2 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas-16 ta' April 2003

8.   Ir-Repubblika Ċeka għandha tneħħi x-xkiel għall-kummerċ fis-suq tal-faħam, skond l-acquis sa l-adeżjoni, u b'hekk il-kumpanniji ta' l-azzar Ċeki jkollhom aċċess għall-faħam bil-prezzijiet tas-suq internazzjonali.

9.   Il-pjan ta' negozju għall-kumpannija benefiċjarja Novà Huť għandu jiġi mplimentat. B'mod partikolari:

a)

l-impjant Vysoké Pece Ostrava (VPO) għandu jiddaħħal fil-qafas organizzazzjonali ta' Novà Huť bl-akkwist tal-proprjetà sħiħa. Għandha tiġi stabbilita data għal din il-fużjoni, inkluż ta' min hi r-responsabbiltà għall-implimentazzjoni tagħha;

b)

l-isforzi tar-ristrutturar għandhom jikkonċentraw fuq li ġej:

i)

l-evoluzzjoni ta' Novà Hut' minn waħda orjentata fuq il-produzzjoni għal waħda orjentata fuq il-marketing u t-titjib ta' l-effiċjenza u l-effettività fit-tmexxija tan-negozju, inkluża trasparenza ikbar dwar l-ispejjeż;

ii)

Novà Huť għandha tirrivedi il-firxa tal-prodotti tagħha u u ddur lejn swieq b'valur aġġunt ogħla;

iii)

Novà Huť tagħmel l-investiment meħtieġ biex tilħaq kwalità ogħla tal-prodott lest fi żmien qasir wara l-iffirmar tat-Trattat ta' Adeżjoni;

ċ)

għandu jiġi implimentat ir-ristrutturar ta' l-impjiegi; sal-31 ta' Diċembru 2006, għandhom jintlaħqu livelli ta' produttività li jistgħu jitqabblu ma' dawk miksuba mill-gruppi ta' prodotti ta' l-industrija ta' l-azzar ta' l-Unjoni, abbażi tal-figuri konsolidati tal-kumpanniji benefiċjarji kkonċernati;

d)

ħarsien ta' l-acquis rilevanti tal-Komunità fil-qasam tal-protezzjoni ta' l-ambjent għandha tintlaħaq sa l-1 ta' Mejju 2004 inklużi l-investimenti meħtieġa indirizzati fil-pjan ta' negozju. Skond il-pjan ta' negozju għandu jsir ukoll l-investiment futur u meħtieġ li għandu x'jaqsam ma' l-IPPC, biex jassigura ħarsien tad-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE ta' l-24 ta' Settembru 1996 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis (29) sa l-1 ta' Novembru 2007.

10.   Il-pjan ta' negozju għall-kumpannija benefiċjarja Vítkovice Steel għandu jiġi mplimentat. B'mod partikolari:

a)

id-Duo Mill għandha tingħalaq għal kollox mhux iktar tard mill-31 ta' Diċembru 2006. Jekk il-kumpannija tinxtara minn investitur strateġiku, l-kuntratt tax-xiri għandu jsir bil-kondizzjoni li din tingħalaq sa din id-data;

b)

l-isforzi tar-ristrutturar għandhom jikkonċentraw fuq li ġej:

i)

żieda f'bejgħ dirett u fokus akbar fuq tnaqqis ta' spejjeż, billi dan huwa meħtieġ għal amministrazzjoni iżjed effiċjenti tan-negozju;

ii)

l-adattament għat-talba tas-suq u bidla għal prodotti ta' valur miżjud ogħla;

iii)

l-avvanz l-investiment propost fil-proċess sekondarju tal-manufattura ta' l-azzar mill-2004 għall-2003, sabiex il-kumpannija tkun tista' tikkompeti abbażi ta' kwalità minflok ta' prezz;

ċ)

konformità ma' l-acquis rilevanti tal-Komunità fil-qasam tal-protezzjoni ta' l-ambjent għandha tintlaħaq sa l-1 ta' Mejju 2004. L-investimenti meħtieġa għal dan l-iskop għandhom ikunu inklużi fil-pjan ta' investiment bħal dawk meħtieġa għall-pjanijiet ta' l-investiment futur f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-IPPC.

11.   Il-pjan ta' negozju għall-kumpannija benefiċjarja Vàlcovny Plechu Frýdek Místek (VPFM) għandu jiġi mplimentat. B'mod partikolari:

a)

il-Hot Rolling Mills Nru. 1 u 2 għandhom jingħalqu għal kollox fl-aħħar tal-2004;

b)

l-isforzi tar-ristrutturar għandhom jikkonċentraw fuq li ġej:

i)

għandu jsir l-investiment meħtieġ biex tintlaħaq kwalità ogħla tal-prodott lest fi żmien qasir wara l-iffirmar tat-Trattat ta' l-Adeżjoni;

ii)

għandha tingħata prijorità lill-implimentazzjoni ta' opportunitajiet identifikati u importanti għat-titjib fil-profitt (inkluż ristrutturar ta' l-impjiegi, tnaqqis ta' l-ispejjeż, titjib tal-qligħ u orjentazzjoni ġdida tad-distribuzzjoni).

12.   Kull tibdil sussegwenti fil-pjan ġenerali ta' ristrutturar u l-pjanijiet individwali jrid jiġi miftiehem mal-Kummissjoni u, fejn xieraq, mal-Kunsill.

13.   L-implimentazzjoni tar-ristrutturar għandha ssir taħt kondizzjonijiet ta' trasparenza sħiħa u abbażi ta' prinċipji sodi ta' l-ekonomija tas-suq.

14.   Il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom isegwu mill-qrib l-implimentazzjoni tar-ristrutturar u l-adempjiment tal-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan it-Titolu dwar il-vijabilità, l-għajnuna mill-Istat u t-tnaqqis fil-kapaċità qabel u wara l-1 ta' Mejju 2004 sat-tmiem tal-perijodu ta' ristrutturar, skond il-paragrafi 15 sa 18. Għal dan l-effett il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Kunsill.

15.   Il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom jikkontrollaw il-punti ta' referenza għall-istrutturar stabbiliti fl-Anness 3 tal-Protokoll Nru.2 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas-16 ta' April 2003. Ir-referenzi f'dak l-Anness għall-paragrafu 16 ta' l-imsemmi Protokoll, għandhom jinftehmu li huma għall-paragrafu 16 ta' dan l-Artikolu.

16.   Il-kontrolli għandhom jinkludu valutazzjoni indipendenti li trid issir fl-2003, 2004, 2005 u 2006. It-test tal-Kummissjoni dwar il-vijabilità għandu jkun element importanti biex jassigura li l-vijabilità tinkiseb.

17.   Ir-Repubblika Ċeka għandha tikkopera bis-sħiħ ma' l-arranġamenti għall-kontrolli. B'mod partikolari:

a)

ir-Repubblika Ċeka għandha tipprovdi lill-Kummissjoni rapport ta' kull sitt xhur dwar ir-ristrutturar tal-kumpanniji benefiċjarji, u dan mhux iktar tard mill-15 ta' Marzu u l-15 ta' Settembru ta' kull sena sat-tmiem tal-perijodu ta' ristrutturar;

b)

l-ewwel rapport għandu jasal għand il-Kummissjoni sal-15 ta' Marzu 2003 u l-aħħar rapport sal-15 ta' Marzu 2007, sakemm il-Kummissjoni ma tiddeċiedix mod ieħor;

ċ)

ir-rapporti għandu jkun fihom it-tagħrif kollu meħtieġ għall-kontroll tal-proċess tar-ristrutturar u t-tnaqqis u l-użu tal-kapaċità, u għandu jipprovdi biżżejjed informazzjoni finanzjarja biex tkun tista' ssir valutazzjoni dwar jekk il-kondizzjonijiet u l-ħtiġiet li hawn f'dan it-Titolu jkunux ġew sodisfatti. Ir-rapporti għandu jkun fihom għall-inqas it-tagħrif stabbilit fl-Anness 4 tal-Protokoll Nru. 2 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas-16 ta' April 2003, li l-Kummissjoni tirriserva d-dritt li tbiddel skond l-esperjenzi tagħha waqt il-proċess ta' kontroll. Minbarra r-rapporti individwali dwar in-negozju tal-kumpanniji benefiċjarji, għandu jkun hemm ukoll rapport dwar is-sitwazzjoni ġenerali tas-settur ta' l-azzar Ċek, inklużi żviluppi makro-ekonomiċi reċenti;

d)

ir-Repubblika Ċeka għandha tobbliga lill-kumpanniji benefiċjarji biex jipppubblikaw it-tagħrif rilevanti kollu li jista', taħt ċirkostanzi oħra, jkun ikkunsidrat bħala konfidenzjali. Fir-rapporti tagħha lill-Kunsill, il-Kummissjoni għandha tassigura li t-tagħrif konfidenzjali speċifiku għal xi kumpannija ma jinkixifx.

18.   F'kull ħin il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tagħti mandat lil konsulent indipendenti biex jivvaluta r-riżultati tal-kontroll, jagħmel kwalunkwe riċerka meħtieġa u jirrapporta lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.

19.   Jekk il-Kummissjoni tistabbilixxi, abbażi tar-rapporti previsti fil-paragrafu 17, li saru devjazzjonijiet sostanzjali mid-data finanzjarja li fuqha tkun saret l-istima tal-vijabilità, tista' teħtieġ lir-Repubblika Ċeka tieħu l-miżuri neċċessarji biex issaħħaħ il-miżuri tar-ristrutturar tal-kumpanniji benefiċjarji kkonċernati.

20.   Jekk il-kontroll juri li:

a)

l-kondizzjonijiet għall-arranġamenti transitorji li jinsabu f'dan it-Titolu ma jkunux twettqu, jew li

b)

l-impenji magħmula fil-qafas ta' l-estensjoni tal-perijodu li matulu ir-Repubblika Ċeka tista' b'mod eċċezzjonali tagħti għajnuna mill-Istat għar-ristrutturar ta' l-industrija ta' l-azzar tagħha taħt il-Ftehim Ewropew li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika Ċeka, min-naħa l-oħra (30), ma ġewx imwettqa, jew li

ċ)

waqt il-perijodu ta' ristrutturar ir-Repubblika Ċeka tat għajnuna oħra mill-Istat, li hija inkompatibbli, lill-industrija ta' l-azzar u lill-kumpanniji benefiċjarji b'mod partikolari,

l-arranġamenti transitorji li jinsabu f'dan it-Titolu jkunu bla effett.

Il-Kummissjoni għandha tieħu passi meħtieġa biex tesiġi li kwalunkwe kumpannija kkonċernata trodd lura kull għajnuna mogħtija bi ksur tal-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan it-Titolu.

TITOLU III

DISPOSIZZJONIJIET DWAR IŻ-ŻONI TA' BAŻI SOVRANA TAR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA' FUQ F'ĊIPRU

Artikolu 43

1.   Iż-żoni ta' Bażi Sovrana għandhom jiġu inklużi fit-territorju doganali ta' l-Unjoni u, għal dan il-għan, l-atti dwar id-dwana u l-politika komuni kummerċjali ta' l-Unjoni elenkati fl-Ewwel Parti ta' l-Anness tal-Protokoll Nru. 3 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas-16 ta' April 2003 għandhom japplikaw għaż-Żoni ta' Bażi Sovrana bl-emendi stabbiliti f'dak l-Anness. F'dak l-Anness, referenza għal “dan il-Protokoll” għandha tinftiehem li qed tirreferi għal dan it-Titolu.

2.   L-atti ta' l-Unjoni dwar it-taxxi fuq il-valur tal-bejgħ, id-dazji tas-sisa u forom oħra ta' tassazzjoni indiretta elenkati fit-Tieni Parti ta' l-Anness tal-Protokoll Nru. 3 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas-16 ta' April 2003 għandhom japplikaw għaż-Żoni ta' Bażi Sovrana bl-emendi stabbiliti f'dak l-Anness kif ukoll id-disposizzjonijiet rilevanti li japplikaw għal Ċipru kif stabbiliti f'dan il-Protokoll.

3.   L-atti ta' l-Unjoni elenkati fit-Tielet Parti ta' l-Anness tal-Protokoll Nru. 3 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas-16 ta' April 2003 għandhom jiġu emendati kif stabbilit f'dak l-Anness biex ir-Renju Unit ikun jista' jżomm il-ħelsien u l-eżenzjonijiet minn dazji u taxxi fuq provvisti għall-forzi u l-persunal assoċjat tiegħu li huma mogħtija mit-Trattat dwar l-Istabbiliment tar-Repubblika ta' Ċipru (minn issa 'l quddiem imsejjaħ “Trattat ta' l-Istabbiliment”).

Artikolu 44

L-Artikoli III-225 sa III-232 tal-Kostituzzjoni flimkien mad-disposizzjonijiet adottati fuq dik il-bażi, u d-disposizzjonijiet adottati skond l-Artikolu III-278 (4)(b) tal-Kostituzzjoni għandhom japplikaw għaż-Żoni ta' Bażi Sovrana.

Artikolu 45

Persuni residenti jew impjegati fit-territorju taż-Żoni ta' Bażi Sovrana li, skond arranġamenti magħmula skond it-Trattat ta' l-Istabbiliment u l-Iskambju ta' Noti assoċjati bid-data tas-16 ta' Awwissu 1960, huma suġġetti għal-leġislazzjoni dwar is-sigurtà soċjali tar-Repubblika ta' Ċipru għandhom jiġu trattati, għall-finijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 1408/71 ta' l-14 ta' Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta' skemi ta' sigurtà soċjali għal persuni mpjegati, persuni li jaħdmu għal rashom u membri tal-familji tagħhom li jispostaw rwieħhom fil-Komunità (31), daqs li kieku kienu residenti jew impjegati fit-territorju tar-Repubblika ta' Ċipru.

Artikolu 46

1.   Ir-Repubblika ta' Ċipru m'għandhiex tkun meħtieġa tagħmel kontrolli fuq persuni li jaqsmu l-fruntieri ta' l-art u ta' l-baħar tagħha maż-Żoni ta' Bażi Sovrana u l-ebda restrizzjoni ta' l-Unjoni dwar il-qsim tal-fruntieri esterni ma għandha tapplika fir-rigward ta' dawn il-persuni.

2.   Ir-Renju Unit għandu jagħmel kontrolli fuq persuni li jaqsmu l-fruntieri esterni taż-Żoni ta' Bażi Sovrana skond l-impenji stabbiliti fir-Raba' Parti ta' l-Anness tal-Protokoll Nru. 3 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas-16 ta' April 2003.

Artikolu 47

Biex jassigura l-implimentazzjoni effettiva ta' l-għanijiet ta' dan it-Titolu, l-Kunsill jista', fuq proposta mill-Kummissjoni, jadotta deċiżjoni Ewropea li temenda l-Artikoli 43 sa 46, inkluż l-Anness għall-Protokoll Nru. 3 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas-16 ta' April 2003, jew li tapplika għaż-Żoni ta' Bażi Sovrana disposizzjonijiet oħrajn tal-Kostituzzjoni u atti ta' l-Unjoni, jekk ikun il-każ, bil-kondizzjonijiet li jista' jispeċifika. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lir-Renju Unit u r-Repubblika ta' Ċipru qabel ma tissottometti xi proposta.

Artikolu 48

1.   Bla ħsara għall-paragrafu 2, ir-Renju Unit għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' dan it-Titolu fiż-Żoni ta' Bażi Sovrana. B'mod partikolari:

a)

ir-Renju Unit għandu jkun responsabbli għall-applikazzjoni tal-miżuri ta' l-Unjoni speċifikati f'dan it-Titolu fl-oqsma doganali, ta' tassazzjoni indiretta u tal-politika kummerċjali komuni fir-rigward ta' prodotti li jidħlu jew joħorġu mill-gżira ta' Ċipru minn port jew ajruport fiż-Żoni ta' Bażi Sovrana;

b)

kontrolli doganali fuq prodotti importati fil-, jew esportati, mill-gżira ta' Ċipru mill-forzi tar-Renju Unit minn port jew ajruport fir-Repubblika ta' Ċipru jistgħu jsiru fiż-Żoni ta' Bażi Sovrana;

ċ)

ir-Renju Unit għandu jkun responsabbli biex joħroġ liċenzi, awtorizzazzjonijiet jew ċertifikati li jistgħu jkunu meħtieġa taħt kwalunkwe miżura applikabbli ta' l-Unjoni fir-rigward ta' prodotti importati fil-, jew esportati mill-gżira ta' Ċipru mill-forzi tar-Renju Unit.

2.   Ir-Repubblika ta' Ċipru għandha tkun responsabbli għall-amministrazzjoni u l-ħlas tal-fondi kollha ta' l-Unjoni li għalih jistgħu jkunu intitolati persuni fiż-Żoni ta' Bażi Sovrana skond l-applikazzjoni tal-politika agrikola komuni fiż-Żoni ta' Bażi Sovrana taħt l-Artikolu 44, u r-Repubblika ta' Ċipru għandha tkun responsabbli quddiem il-Kummissjoni għal tali spiża.

3.   Bla preġudizzju għall-paragrafi 1 u 2, ir-Renju Unit jista' jiddelega lill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika ta' Ċipru, skond arranġamenti magħmula skond it-Trattat ta' l-Istabbiliment, it-twettiq ta' kwalunkwe funzjoni imposta fuq Stat Membru minn jew taħt xi disposizzjoni prevista fl-Artikoli 43 sa 46.

4.   Ir-Renju Unit u r-Repubblika ta' Ċipru għandhom jikkoperaw biex jassiguraw l-implimentazzjoni effettiva ta' dan it-Titolu fiż-Żoni ta' Bażi Sovrana u, fejn xieraq, għandhom jikkonkludu iktar arranġamenti dwar id-delega ta' l-implimentazzjoni ta' kwalunkwe disposizzjoni msemmija fl-Artikoli 43 sa 46. Kopja ta' dawn larranġamenti għandha tiġi sottomessa lill-Kummissjoni.

Artikolu 49

L-arranġamenti previsti f'dan it-Titolu għandu jkollhom l-għan uniku li jirregolaw is-sitwazzjoni partikolari taż-Żoni ta' Bażi Sovrana tar-Renju Unit f'Ċipru u ma jistgħux japplikaw għal kwalunkwe territorju ieħor ta' l-Unjoni, u lanqas iservu bħala preċedent, b'mod sħiħ jew f'parti minnhom, għal kwalunkwe arranġamenti speċjali oħra li jew digà jeżistu jew li jistgħu jiġu stabbiliti f'territorju Ewropew ieħor previst fl-Artikolu IV-440 tal-Kostituzzjoni.

Artikolu 50

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill kull ħames snin mill-1 ta' Mejju 2004 dwar l-implimentazzjoni tad-disposizzjonijiet ta' dan it-Titolu.

Artikolu 51

Id-disposizzjonijiet ta' dan it-Titolu għandhom japplikaw fid-dawl tad-Dikjarazzjoni dwar iż-Żoni ta' Bażi Sovrana tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq f'Ċipru, li tinkludi, mingħajr ma jinbidel l-effett legali tagħha, l-kliem użat fil-preambolu tal-Protokoll Nru. 3 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas-16 ta' April 2003.

TITOLU IV

DISPOSIZZJONIJIET DWAR L-IMPJANT TA' ENERĠIJA NUKLEARI TA' IGNALINA FIL-LITWANJA

Artikolu 52

Waqt li tirrikonoxxi li l-Unjoni lesta tipprovdi iżjed għajnuna xierqa lill-isforzi tal-Litwanja għad-diżattivazzjoni ta' l-Impjant ta' Enerġija Nukleari ta' Ignalina u waqt li tenfasizza din l-espressjoni ta' solidarjetà, il-Litwanja intrabtet li tagħlaq l-Unità 1 ta' l-Impjant ta' Enerġija Nukleari ta' Ignalina qabel l-2005 u l-Unità 2 ta' dan l-impjant mhux iktar tard mill-31 ta' Diċembru 2009 u li sussegwentement tipproċedi għad-diżattivazzjoni ta' dawn l-unitajiet.

Artikolu 53

1.   Waqt il-perijodu 2004-2006, l-Unjoni għandha tipprovdi lil-Litwanja għajnuna finanzjarja addizzjonali biex issostni l-isforzi tagħha għad-diżattivazzjoni ta' l-Impjant ta' Enerġija Nukleari ta' Ignalina, u biex tindirizza l-konsegwenzi ta' l-għeluq u d-diżattivazzjoni ta' dan l-impjant ta' (minn issa 'l quddiem imsejjaħ “il-Programm ta' Ignalina”).

2.   Miżuri taħt il-Programm ta' Ignalina għandhom jiġu deċiżi u implimentati skond id-disposizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 3906/89 tat-18 ta' Diċembru 1989 dwar għajnuna ekonomika lil ċerti pajjiżi ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant (32).

3.   Il-Programm ta' Ignalina għandu jkopri, fost affarijiet oħra: miżuri li jsostnu d-diżattivazzjoni ta' l-Impjant ta' Enerġija Nukleari ta' Ignalina; miżuri għat-titjib ambjentali skond l-acquis u miżuri biex tiġi modernizzata l-kapaċità ta' produzzjoni konvenzjonali biex tieħu post il-kapaċità ta' produzzjoni taż-żewġ reatturi ta' l-Impjant ta' Enerġija Nukleari ta' Ignalina; u miżuri oħra li jkunu meħtieġa bħala konsegwenza għad-deċiżjoni li dan l-impjant jingħalaq u jkun diżattivat u li jikkontribwixxu għar-ristrutturar, titjib ambjentali u modernizzar meħtieġa fis-setturi tal-produzzjoni, tat-trasmissjoni u tad-distribuzzjoni ta' l-enerġija fil-Litwanja kif ukoll li jsaħħu s-sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija u jtejbu l-effiċjenza ta' l-enerġija fil-Litwanja.

4.   Il-Programm ta' Ignalina għandu jinkludi miżuri biex isostnu l-persunal ta' l-impjant biex iżomm livell għoli ta' sigurtà fit-tħaddim ta' l-Impjant ta' Enerġija Nukleari ta' Ignalina fil-perijodi qabel l-għeluq u matul id-diżattivazzjoni ta' l-unitajiet previsti tar-reattur.

5.   Għall-perijodu 2004-2006 il-Programm ta' Ignalina għandu jammonta għal 285 miljun euro f'approprjazzjonijiet ta' impenn, li jinħarġu f'partijiet annwali indaqs.

6.   Il-kontribuzzjoni taħt il-Programm ta' Ignalina tista', għal ċerti miżuri, tammonta għal sa 100 % ta' l-ispiża totali. Għandu jsir kull sforz biex titkompla l-prattika ta' ko-finanzjar stabbilita taħt l-għajnuna ta' qabel l-adeżjoni biex tgħin l-isforz tal-Litwanja għad-diżattivazzjoni ta' l-impjant kif ukoll biex tiġbed lejha ko-finanzjar minn għejjun oħra, kif xieraq.

7.   L-għajnuna taħt il-Programm ta' Ignalina, jew partijiet minnha, tista' tkun disponibbli bħala kontribuzzjoni ta' l-Unjoni għall-Fond Internazzjonali ta' Għajnuna għad-Diżattivazzjoni ta' l-Ignalina, amministrat mill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u Żvilupp.

8.   Għajnuna pubblika minn għejjun nazzjonali, ta' l-Unjoni u internazzjonali:

a)

għal titjib ambjentali skond l-acquis u miżuri ta' modernizzar ta' l-Impjant ta' Enerġija Termika tal-Litwanja f'Elektrenai bħala s-sostitut prinċipali għall-kapaċità ta' produzzjoni taż-żewġ reatturi ta' l-Impjant ta' Enerġija Nukleari ta' Ignalina, u

b)

għad-diżattivazzjoni ta' l-Impjant ta' Enerġija Nukleari ta' Ignalina

għandha tkun kompatibbli mas-suq intern kif mfisser fil-Kostituzzjoni.

9.   Għajnuna pubblika minn għejjun nazzjonali, ta' l-Unjoni u internazzjonali b'sostenn għall-isforzi tal-Litwanja biex titratta l-konsegwenzi ta' l-għeluq u tad-diżattivazzjoni ta' l-Impjant ta' Enerġija Nukleari ta' Ignalina tista', skond il-każ, tkun meqjusa kompatibbli - taħt il-Kostituzzjoni - mas-suq intern, b'mod partikolari l-għajnuna pubblika moghtija biex tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija.

Artikolu 54

1.   Filwaqt li tirrikonoxxi li d-diżattivazzjoni ta' l-Impjant ta' l-Enerġija Nukleari ta' Ignalina hija ta' natura li tieħu fit-tul u tfisser għal-Litwanja piż finanzjarju eċċezzjonali li ma jikkorrispondix mad-daqs u l-kapaċita ekonomika tagħha, l-Unjoni, b'solidarjetà mal-Litwanja, għandha tipprovdi għajnuna addizzjonali adegwata għall-isforzi ta' diżattivazzjoni li jkomplu wara l-2006.

2.   Għal dan l-iskop, il-Programm ta' Ignalina għandu, jitkompla bla xkiel u jkun estiż sa wara l-2006. Id-disposizzjonijiet ta' implimentazzjoni tal-Programm ta' Ignalina estiż għandhom jsiru skond il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 35 ta' dan il-Protokoll u għandhom jidħlu fis-seħħ mhux aktar tard mid-data ta' l-iskadenza tal-Perspettiva Finanzjarja kif imfissra fil-Ftehim Interistituzzjonali tas-6 ta' Mejju 1999.

3.   Il-Programm ta' Ignalina, kif estiż, skond id-disposizzjoni tal-paragrafu 2, għandu jkun ibbażat fuq l-istess elementi u prinċipji deskritti fl-Artikolu 53.

4.   Għall-perijodu tal-Perspettiva Finanzjarja sussegwenti, l-approprjazzjonijiet medji globali taħt il-Programm ta' Ignalina estiż għandu jkun kif jixraq. L-ipprogrammar ta' dawn ir-riżorsi għandu jkun ibbażat fuq il-bżonn ta' finanzjament u l-kapaċitajiet reali li jkunu assorbiti.

Artikolu 55

Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 52, il-klawżola ta' salvagwardja ġenerali prevista fl-Artikolu 26 għandha tapplika sal-31 ta' Diċembru 2012 jekk il-provvista ta' l-enerġija fil-Litwanja titħarbat.

Artikolu 56

Dan it-Titolu għandu japplika fid-dawl tad-Dikjarazzjoni dwar l-Impjant ta' Enerġija Nukleari ta' Ignalina fil-Litwanja li tinkludi, mingħajr ma jinbidel l-effett legali tagħhom, il-kliem użat fil-preambolu tal-Protokoll Nru. 3 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas-16 ta' April 2003.

TITOLU V

DISPOSIZZJONIJIET DWAR IT-TRANSITU BL-ART TA' PERSUNI BEJN IR-REĠJUN TA' KALININGRAD U PARTIJIET OĦRA TAL-FEDERAZZJONI RUSSA

Artikolu 57

Ir-regoli u l-arranġamenti ta' l-Unjoni dwar it-transitu bl-art ta' persuni bejn ir-reġjun ta' Kaliningrad u partijiet oħra tal-Federazzjoni Russa, u b'mod partikulari ir-Regolament tal-Kunsill (KE) 693/2003 ta' l-14 ta' April 2003 li jistabbilixxi speċifikament Dokument għal Transitu Faċilitat (FTD), Dokument għal Transitu bil-Ferrovija Faċilitat (FRTD) u li jemenda l-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni u l-Manwal Komuni (33), ma għandhomx fihom infushom idewwmu jew jipprevjenu l-partiċipazzjoni sħiħa tal-Litwanja fl-acquis ta' Schengen, inkluża t-tneħħija tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni.

Artikolu 58

L-Unjoni għandha tgħin lil-Litwanja biex timplimenta r-regoli u l-arranġamenti għat-transitu ta' persuni bejn ir-reġjun ta' Kaliningrad u l-partijiet l-oħra tal-Federazzjoni Russa biex titwettaq malajr kemm jista' jkun il-parteċipazzjoni sħiħa tal-Litwanja fiż-Żona ta' Schengen.

L-Unjoni għandha tgħin lil-Litwanja fl-amministrazzjoni tat-transitu ta' persuni bejn ir-reġjun ta' Kaliningrad u l-partijiet l-oħra tal-Federazzjoni Russa u għandha, speċjalment, tkun responsabbli għal spiża addizzjonali li tinħoloq bl-implimentazzjoni tad-disposizzjonijiet speċifiċi ta' l-acquis previsti għal dan it-transitu.

Artikolu 59

Bla ħsara għad-drittijiet sovrana tal-Litwanja, kwalunkwe att ieħor dwar it-transitu ta' persuni bejn ir-reġjun ta' Kaliningrad u partijiet oħra tal-Federazzjoni Russa għandu jiġi adottat mill-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu.

Artikolu 60

Dan it-Titolu għandu japplika fid-dawl tad-Dikjarazzjoni dwar it-transitu bl-art ta' persuni bejn ir-reġjun tal-Kaliningrad u partijiet oħra tal-Federazzjoni Russa, li tinkludi, mingħajr ma jinbidel l-effett legali tagħhom, il-kliem użat fil-preambolu tal-Protokoll Nru. 5 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas-16 ta' April 2003.

TITOLU VI

DISPOSIZZJONIJIET DWAR L-AKKWIST TA' RESIDENZI SEKONDARJI F'MALTA

Artikolu 61

Tenut kont tan-numru limitat ħafna ta' residenzi f'Malta u l-art limitata ħafna li tista' tintuża għal skopijiet ta' kostruzzjoni, u li dawn jistgħu biss ikopru l-ħtiġiet bażiċi kkreati mill-iżvilupp demografiku tar-residenti preżenti, Malta tista' fuq bażi mhux diskriminatorja żżomm fis-seħħ ir-regoli dwar l-akkwist u l-pussess ta' proprjetà immobbli għal skopijiet ta' residenzi sekondarji minn ċittadini ta' xi Stat Membru li ma jkunux ilhom residenti f'Malta skond il-liġi għal mill-anqas ħames snin, kif stabbilit fl-Att dwar l-Akkwist ta' Proprjetà Immobbli minn Persuni mhux Residenti (Kapitolu 246).

Malta għandha tapplika proċeduri ta' awtorizzazzjoni għall-akkwist ta' proprjetà immobbli għal skopijiet ta' residenzi sekondarji f'Malta bbażati fuq kriterji ppubblikati, oġġettivi, stabbli u trasparenti. Dawn il-kriterji għandhom jiġu applikati b'mod mhux diskriminatorju u ma għandhomx jagħmlu differenza bejn ċittadini Maltin u dawk ta' Stati Membri oħra. Malta għandha tiżgura li fl-ebda każ ma għandu ċittadin ta' xi Stat Membru jiġi ttrattat b'mod aktar restrittiv minn ċittadin ta' xi pajjiz terz.

F'każ illi l-valur ta' proprjetà waħda bħal dik mixtrija minn ċittadin ta' xi Stat Membru jkun jaqbeż il-limiti stipulati fil-liġi Maltija, jiġifieri 30 000 lira Maltija għall-appartamenti u 50 000 lira Maltija għal kull tip ta' proprjetà minbarra appartamenti u proprjetà ta' importanza storika, l-awtorizzazzjoni għandha tingħata. Malta tista' tirrevedi l-limiti stabbiliti b'din il-leġislazzjoni biex jirriflettu l-bidliet fil-prezzijet fis-suq tal-proprjetà f'Malta.

TITOLU VII

DISPOSIZZJONIJIET DWAR L-ABORT F'MALTA

Artikolu 62

Xejn fit-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa jew fit-Trattati u l-Atti li jemendaw jew jissupplimentaw dawk it-Trattati, ma għandu jaffettwa l-applikazzjoni fit-territorju ta' Malta tal-leġislazzjoni nazzjonali li għandha x'taqsam ma' l-abort.

TITOLU VIII

DISPOSIZZJONIJIET DWAR IR-RISTRUTTURAR TA' L-INDUSTRIJA POLLAKKA TA' L-AZZAR

Artikolu 63

1.   Minkejja l-Artikoli III-167 u III-168 tal-Kostituzzjoni, għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Polonja għal finijiet ta' ristrutturar ta' partijiet speċifiċi ta' l-industrija Pollakka ta' l-azzar għandha titqies li hi kompatibbli mas-suq intern sakemm:

a)

il-perijodu previst fl-Artikolu 8(4) tal-Protokoll 2 dwar prodotti tal-KEFA għall-Ftehim Ewropew li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Polonja, min-naħa l-oħra (34), kien ġie estiż sa l-1 ta' Mejju 2004;

b)

it-termini stipulati fil-pjan tar-ristrutturar li abbażi tagħhom ġie mtawwal il-Protokoll previst hawn fuq jitħarsu matul il-perijodu 2002-2006;

ċ)

il-kondizzjonijiet stipulati f'dan it-Titolu jiġu sodisfatti, u

d)

l-ebda għajnuna mill-Istat għar-ristrutturar ma titħallas lill-industrija Pollakka ta' l-azzar wara l-1 ta' Mejju 2004.

2.   Ir-ristrutturar tas-settur Pollakk ta' l-azzar, kif imfisser fil-pjanijiet ta' negozju individwali tal-kumpanniji elenkati fl-Anness I għall-Protokoll Nru. 8 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas-16 ta' April 2003 (minn issa 'l quddiem imsejjħa l-“kumpanniji benefiċjarji”), u skond il-kondizzjonijiet stipulati f'dan it-Titolu, għandu jitlesta sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2006 (minn issa 'l quddiem imsejjaħ “it-tmiem tal-perijodu ta' ristrutturar”).

3.   Il-kumpanniji benefiċjarji biss għandhom ikunu eliġibbli għal għajnuna mill-Istat fil-qafas tal-programm Pollakk tar-ristrutturar ta' l-azzar.

4.   Kumpannija benefiċjarja ma tistax:

a)

fil-każ ta' fużjoni ma' kumpannija li mhijiex fl-Anness 1 għall-Protokoll Nru. 8 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas-16 ta' April 2003, titrasferixxi l-benefiċċju ta' l-għajnuna mogħtija lill-kumpannija benefiċjarja;

b)

tieħu pussess ta' l-assi ta' kwalunkwe kumpannija li mhijiex fl-Anness 1 għall-Protokoll Nru. 8 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas-16 ta' April 2003 li tkun ġiet dikjarata bħala falluta fil-perijodu sal-31 ta' Diċembru 2006.

5.   Kwalunkwe privatizzazzjoni sussegwenti ta' kwalunkwe kumpannija benefiċjarja għandha ssir b'rispett għall-ħtieġa ta' trasparenza u għandha tirrispetta l-kondizzjonijiet u l-prinċipji dwar il-vijabilità, għajnuniet mill-Istat u tnaqqis tal-kapaċità kif imfisser f'dan it-Titolu. L-ebda għajnuna mill-Istati l-oħra ma għandha tingħata bħala parti mill-bejgħ ta' kwalunkwe kumpannija jew assi individwali.

6.   L-għajnuna għar-ristrutturar mogħtija lill-kumpanniji benefiċjarji għandha tiġi deteminata mill-ġustifikazzjonijiet stipulati fil-pjan Pollakk approvat għar-ristrutturar ta' l-azzar u pjanijiet ta' negozju individwali mill-Kunsill. Iżda, fi kwalunkwe każ, it-total ta' l-ammont ta' l-għajnuna mħallsa fil-perijodu 1997-2003 huwa limitat għal ammont totali ta' mhux aktar minn PLN 3 387 070 000.

Minn din il-figura totali:

a)

fil-każ ta' Polskie Huty Stali (minn issa 'l quddiem imsejjħa “PHS”), l-għajnuna għar-ristrutturar diġà mogħtija jew li għandha tingħata mill-1997 sa l-aħħar tal-2003 ma għandhiex tkun iżjed minn PLN 3 140 360 000. PHS diġà rċeviet PLN 62 360 000 ta' l-għajnuna għar-ristrutturar fil-perijodu 1997-2001. Hi għandha tirċievi iżjed għajnuna għar-ristrutturar ta' mhux aktar minn PLN 3 078 000 000 fl-2002 u l-2003 u dan ikun jiddependi fuq il-ħtiġiet stabbiliti fil-pjan approvat għar-ristrutturar (li għandhom jitħallsu kollha fl-2002 jekk l-estensjoni tal-perijodu ta' grazzja taħt il-Protokoll 2 tal-Ftehim Ewropew li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Polonja, min-naħa l-oħra, tingħatax sa l-aħħar tal-2002, jew fin-nuqqas fl-2003);

b)

fil-każ ta' Huta Andrzej S.A., Huta Bankowa Sp. z o.o., Huta Batory S.A., Huta Buczek S.A., Huta L.W. Sp. z o.o., Huta Łabędy S.A., u Huta Pokój S.A. (minn issa 'l quddiem imsejjħa “il-kumpanniji benefiċjarji l-oħra”), l-għajnuna għar-ristrutturar ta' industrija ta' l-azzar diġà mogħtija jew li għandha tingħata mill-1997 sa l-aħħar tal-2003 m'għandhiex tkun iżjed minn PLN 246 710 000. Dawn il-kumpanniji diġà rċevew PLN 37 160 000 f'għajnuna għar-ristrutturar fil-perijodu 1997-2001. Huma għandhom jirċievu iżjed għajnuna għar-ristrutturar ta' mhux aktar minn PLN 210 210 000 u dan ikun jiddependi fuq il-ħtiġiet stabbiliti fil-pjan approvat għar-ristrutturar (li minnhom PLN 182 170 000 fl-2002 u PLN 27 380 000 fl-2003 jekk l-estensjoni tal-perijodu ta' grazzja taħt il-Protokoll 2 tal-Ftehim Ewropew li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Polonja, min-naħa l-oħra, tingħata sa l-aħħar tal-2002, jew fin-nuqqas PLN 210 210 000 fl-2003);

M'għandha tingħata l-ebda għajnuna oħra Statali mill-Polonja għall-iskop ta' ristrutturar ta' l-industrija Pollakka ta' l-azzar.

7.   It-tnaqqis nett fil-kapaċità li għandu jintlaħaq mill-Polonja għal prodotti lesti waqt il-perijodu 1997-2006 għandu jkun ta' mill-inqas 1.2 31. 000 tunnellati metriċi. Dan l-ammont totali jinkludi tnaqqis nett fil-kapaċità ta' mill-inqas 715 000 tunnellata fis-sena fi prodotti rrumblati bis-sħana u 716 000 tunnellata fis-sena fi prodotti rrumblati bil-kesħa, kif ukoll żieda ta' mhux aktar minn 200 000 tunnellata fis-sena ta' prodotti lesti oħra.

It-tnaqqis fil-kapaċità għandu jitkejjel biss abbażi ta' l-għeluq permanenti tal-faċilitajiet ta' produzzjoni permezz ta' qerda fiżika tali li l-faċilitajiet ma jkunux jistgħu jerġgħu jitħaddmu. Dikjarazzjoni ta' falliment ta' kumpannija ta' l-azzar ma tikkwalifikax bħala tnaqqis fil-kapaċità.

It-tnaqqis nett fil-kapaċità kif jidher fl-Anness 2 għall-Protokoll Nru. 8 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas-16 ta' April 2003 huwa l-inqas ammont u t-tnaqqis nett fil-kapaċità li għandu jinkiseb fir-realtà u l-iskeda ta' żmien biex isir dan għandhom jiġu stabbiliti abbażi tal-programm finali għar-ristrutturar tal-Polonja u tal-pjanijiet individwali ta' negozju taħt il-Ftehim Ewropew li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Polonja, min-naħa l-oħra, tenut kont ta' l-għan li tkun żgurata l-vijabilità tal-kumpanniji benefiċjarji sal-31 ta' Diċembru 2006.

8.   Il-pjan ta' negozju għall-kumpannija benefiċjarja PHS għandu jiġi implimentat. B'mod partikolari:

a)

l-isforzi tar-ristrutturar għandhom jikkonċentraw fuq li ġej:

i)

l-organizzazzjoni mill-ġdid tal-faċilitajiet ta' produzzjoni ta' PHS abbażi tal-prodott u li tkun żgurata organizzazzjoni orizzontali skond il-funzjoni (xiri, produzzjoni, bejgħ);

ii)

l-istabbilment f'PHS ta' struttura tat-tmexxija unifikata li tagħmel possibili l-kisba kompleta ta' sinerġiji fil-konsolidazzjoni;

iii)

l-evoluzzjoni tal-mira strateġika ta' PHS minn waħda orjentata fuq il-produzzjoni għal waħda orjentata fuq il-marketing;

iv)

it-titjib ta' l-effiċjenza u l-effettività ta' l-amministrazzjoni tan-negozju ta' PHS kif ukoll l-assigurazzjoni ta' kontroll aħjar tal-bejgħ dirett;

v)

li PHS tirrevedi, abbażi ta' konsiderazzjonijiet ekonomiċi sodi, l-istrateġija ta' kumpanniji li joħorġu minnha u, fejn ikun il-każ, l-integrazzjoni mill-ġdid ta' servizzi fil-kumpannija prinċipali;

vi)

ir-reviżjoni minn PHS tat-taħlita ta' prodotti tagħha, biex titnaqqas il-kapaċità żejda ta' prodotti nofshom maħduma u b'mod ġenerali tidħol fis-suq tal-prodotti b'valur miżjud ogħla;

vii)

l-investiment min-naħa tal-PHS bl-iskop li tilħaq kwalità ogħla ta' prodotti lesti; għandha tingħata attenzjoni speċjali biex sa d-data stabbilita fl-iskeda ta' żmien għall-implimentazzjoni tal-programm tar-ristrutturar tal-PHS u mhux iktar tard mit-tmiem tal-2006 jintlaħaq il-livell ta' kwalità ta' produzzjoni 3-Sigma fis-sit tal-PHS fi Kraków;

b)

għandu jiżdied it-trażżin ta' l-ispejjeż fil-PHS matul il-perijodu ta' ristrutturar permezz ta' żieda fl-effiċjenza ta' l-enerġija, titjib fix-xiri, u li jkun żgurat rendiment ta' produzzjoni komparabbli mal-livelli ta' l-Unjoni;

ċ)

għandu jiġi mplimentat ir-ristrutturar ta' l-impjiegi; il-livelli ta' produttività li jistgħu jitqabblu ma' dawk miksuba mill-gruppi ta' prodotti ta' l-industrija ta' l-azzar ta' l-Unjoni għandhom jintlaħqu sal-31 ta' Diċembru 2006, abbażi tal-figuri konsolidati inklużi l-impjiegi indiretti fil-kumpanniji ta' servizz li huma ta' proprjetà sħiħa tal-kumpanniji benefiċjarji;

d)

kull privatizzazzjoni għandha tirrispetta l-ħtieġa għat-trasparenza u tirrispetta bis-sħiħ il-valur kummerċjali ta' PHS. L-ebda għajnuna mill-Istat oħra ma għandha tingħata bħala parti mill-bejgħ.

9.   Il-pjan ta' negozju għall-kumpanniji benefiċjarji l-oħra għandu jiġi implimentat. B'mod partikolari:

a)

għall-kumpanniji benefiċjarji kollha l-oħra, l-isforzi tar-ristrutturar għandhom jikkonċentraw fuq li ġej:

i)

l-evoluzzjoni tal-mira strateġika minn waħda orjentata fuq il-produzzjoni għal waħda orjentata lejn il-marketing;

ii)

it-titjib ta' l-effiċjenza u l-effettività ta' l-amministrazzjoni tan-negozju tal-kumpanniji kif ukoll jiġi żgurat kontroll aħjar tal-bejgħ dirett;

iii)

ir-reviżjoni, abbażi ta' konsiderazzjonijiet ekonomiċi sodi, ta' l-istrateġija ta' kumpanniji li joħorġu minnha u, fejn ikun il-każ, l-integrazzjoni mill-ġdid ta' servizzi fil-kumpannija prinċipali;

b)

fil-każ ta' Huta Bankowa, l-implimentazzjoni tal-programm ta' tnaqqis tal-kost;

ċ)

fil-każ ta' Huta Buczek, il-ksib tas-sostenn finanzjarju meħtieġ mingħand il-kredituri u l-istituzzjonijiet finanzjarji lokali u l-implimentazzjoni tal-programm ta' tnaqqis fil-kost, inkluż tnaqqis fil-kost ta' l-investiment billi jiġu adattati l-faċilitajiet eżistenti ta' produzzjoni;

d)

fil-każ ta' Huta Łabędy, l-implimentazzjoni tal-programm ta' tnaqqis fil-kost u tnaqqis tad-dipendenza fuq l-industrija tal-minjieri;

e)

fil-każ ta' Huta Pokój, il-ksib ta' standards ta' produttività internazzjonali fil-kumpanniji sussidjarji, l-implimentazzjoni ta' tnaqqis fil-konsum ta' l-energija u l-kanċellament ta' l-investiment propost fid-dipartiment ta' l-ipproċessar u l-kostruzzjoni;

f)

fil-każ ta' Huta Batory, il-ksib ta' ftehim ma' kredituri u ma' istituzzjonijiet finanzjarji dwar l-iskedar mill-ġdid tad-djun u tas-self għall-investiment. Il-kumpannija għandha wkoll tiżgura tnaqqis sostanzjali addizzjonali fil-kost li għandu x'jaqsam mar-ristrutturar ta' l-impjiegi u rendimenti aħjar;

g)

fil-każ ta' Huta Andrzej, il-kisba ta' bażi finanzjarja stabbli għall-iżvilupp tagħha billi jkun innegozjat ftehim bejn dawk li attwalment qed jisilfu lill-kumpannija, l-kredituri fit-tul, il-kredituri tan-negozju u l-istituzzjonijiet finanzjarji. Iridu jseħħu investimenti addizzjonali fil-funderija li tipproduċi tubi bis-sħana kif ukoll l-implimentazzjoni ta' programm għat-tnaqqis ta' l-impjegati;

h)

fil-każ ta' Huta L.W., it-twettiq ta' l-investimenti fir-rigward tal-proġett tal-funderiji li jirrumblaw bis-sħana, tagħmir ta' l-irfigħ, u fis-sensibilizzazzjoni għall-kwistjonijiet dwar l-ambjent. Din il-kumpannija għandha wkoll tilħaq livelli ogħla ta' produttività, permezz tar-ristrutturar ta' l-impjegati u t-tnaqqis fil-kost għal servizzi esterni.

10.   Kull bidla sussegwenti fil-pjan globali tar-ristrutturar u l-pjanijiet individwali għandu jkollha l-approvazzjoni tal-Kummissjoni, u fejn ikun il-każ, tal-Kunsill.

11.   L-implimentazzjoni tar-ristrutturar għandha sseħħ taħt kondizzjonijiet ta' trasparenza sħiħa u abbażi ta' prinċipji sodi ta' l-ekonomija tas-suq.

12.   Il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom jikkontrollaw mill-qrib l-implimentazzjoni tar-ristrutturar u l-adempjiment tal-kondizzjonijiet imniżżla f'dan it-Titolu rigward il-vijabilità, l-għajnuna mill-Istat u t-tnaqqis fil-kapaċità qabel u wara l-1 ta' Mejju 2004, sa' l-aħħar tal-perijodu ta' ristrutturar, skond il-paragrafi 13 sa 18. Għal dan il-fini, l-Kummissjoni għandha tirraporta lill-Kunsill.

13.   Flimkien mal-kontroll ta' l-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom jissorveljaw il-benchmarks tar-ristrutturar stipulati fl-Anness 3 tal-Protokoll Nru 8 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas-16 ta' April 2003. Referenzi f'dak l-Anness għall-paragrafu 14 tal-Protokoll għandhom jinftehmu bħala li huma għall-paragrafu 14 ta' dan l-Artikolu.

14.   Il-kontrolli għandhom jinkludu valutazzjoni independenti li għandha ssir fl-2003, 2004, 2005 u 2006. It-test tal-vijabiltà tal-Kummissjoni għandu jkun applikat u l-produttività għandha titkejjel bħala parti mill-valutazzjoni.

15.   Il-Polonja għandha tikkopera bis-sħiħ ma' l-arranġamenti kollha tal-kontroll. B'mod partikolari:

a)

Il-Polonja għandha tipprovdi lill-Kummissjoni b'rapporti kull sitt xhur rigward ir-ristrutturar tal-kumpanniji benefiċjarji, mhux aktar tard mill-15 ta' Marzu u mill-15 ta' Settembru ta' kull sena sa l-aħħar tal-perijodu ta' ristrutturar;

b)

l-ewwel rapport għandu jasal għand il-Kummissjoni sal-15 ta' Marzu 2003 u l-aħħar rapport sal-15 ta' Marzu 2007, sakemm il-Kummissjoni ma tiddeċidix xort'oħra;

ċ)

ir-rapporti għandu jkollhom l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-kontroll tal-proċess ta' ristrutturar, ta' l-għajnuna mill-Istat, tat-tnaqqis u l-użu tal-kapaċità u għandhom jipprovdu biżżejjed informazzjoni finanzjarja sabiex tkun tista' ssir stima ta' jekk ġewx imwettqa l-kondizzjonijiet u l-ħtiġiet ta' dan it-Titolu. Ir-rapporti għandu jkun fihom mill-inqas l-informazzjoni stipulata fl-Anness 4 tal-Protokoll Nru 8 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas-16 ta' April 2003, li l-Kummissjoni tirriserva d-dritt li tbiddel skond dak li tiltaqa' miegħu matul il-proċess ta' kontroll. Fl-Anness 4 tal-Protokoll Nru 8 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas-16 ta' April 2003 ir-referenza għall-paragrafu 14 tal-Protokoll għandha tinftiehem bħala li hi għall-paragrafu 14 ta' dan l-Artikolu. Flimkien mar-rapporti individwali tan-negozju tal-kumpanniji mniżżla fl-Anness 1, għandu jkun hemm ukoll rapport dwar is-sitwazzjoni globali tas-settur ta' l-azzar tal-Polonja, inklużi l-iżviluppi makroekonomiċi reċenti;

d)

barra minn hekk kull informazzjoni addizzjonali meħtieġa għall-valutazzjoni indipendenti kif stipulat fil-paragrafu 14 għandha tkun ipprovduta mill-Polonja;

e)

Il-Polonja għandha tobbliga lill-kumpanniji benefiċjarji biex jikxfu d-data rilevanti kollha li tista', taħt ċirkostanzi oħra, tiġi kkunsidrata bħala konfidenzjali. Fir-rapporti tagħha lill-Kunsill, il-Kummissjoni għandha tassigura li t-tagħrif konfidenzjali speċifiku għall-kumpanniji ma jinkixifx.

16.   Fi kwalunkwe ħin il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tagħti mandat lil konsulent indipendenti biex jivvaluta r-riżultati tal-kontrolli, jagħmel kwalunkwe riċerka meħtieġa u jirrapporta lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.

17.   Jekk il-Kummissjoni tistabbilixxi, abbażi tal-kontrolli, li kien hemm devjazzjonijiet sostanzjali mid-data finanzjarja li fuqha tkun saret l-istima tal-vijabilità, tista' ġġiegħel lill-Polonja tieħu l-miżuri xierqa biex issaħħaħ jew timmodifika l-miżuri tar-ristrutturar tal-kumpanniji benefiċjarji kkonċernati.

18.   Jekk il-kontroll juri li:

a)

l-kondizzjonijiet għall-arranġamenti transitorji li hemm f'dan it-Titolu ma jkunux twettqu, jew:

b)

l-impenji magħmula fil-qafas ta' l-estensjoni tal-perijodu li fih il-Polonja tista' b'mod eċċezzjonali tagħti għajnuna mill-Istat għar-ristrutturar ta' l-industrija ta' l-azzar tagħha taħt il-Ftehim Ewropew li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Polonja, min-naħa l-oħra, ma ġewx imwettqa, jew

ċ)

waqt il-perijodu ta' ristrutturar il-Polonja tat għajnuna oħra mill-Istat li hija inkompatibbli, lill-industrija ta' l-azzar u lill-kumpanniji benefiċjarji b'mod partikolari,

l-arranġamenti transitorji li jinsabu f'dan it-Titolu m'għandux ikollhom effett.

Il-Kummissjoni għandha tieħu passi xierqa biex tesiġi li kwalunkwe kumpannija kkonċernata trodd lura kwalunkwe għajnuna mogħtija bi ksur tal-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan it-Titolu.

TITOLU IX

DISPOSIZZJONIJIET DWAR L-UNITAJIET 1 U 2 TA' L-IMPJANT TA' ENERĠIJA NUKLEARI TA' BOHUNICE V1 FIS-SLOVAKKJA

Artikolu 64

Is-Slovakkja intrabtet li tagħlaq l-Unità 1 ta' l-Impjant ta' Enerġija Nukleari ta' Bohunice V1 sa mhux iktar tard mill-31 ta' Diċembru 2006 u l-Unità 2 ta' dan l-impjant sa mhux iktar tard mill-31 ta' Diċembru 2008 u, sussegwentement, tiddiżattiva dawn l-unitajiet.

Artikolu 65

1.   Matul il-perijodu 2004-2006, l-Unjoni għandha tipprovdi lis-Slovakkja b'għajnuna finanzjarja biex issostni l-isforzi tagħha għad-diżattivazzjoni u biex tindirizza l-konsegwenzi ta' l-għeluq u d-diżattivazzjoni ta' l-Unitajiet 1 u 2 ta' l-Impjant ta' Enerġija Nukleari ta' Bohunice V1 (minn issa 'l quddiem imsejjħa “l-Għajnuna”).

2.   L-Għajnuna għandħa tiġi deċiża u implimentata skond id-disposizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 3906/89 tat-18 ta' Diċembru 1989 dwar għajnuna ekonomika lil ċerti pajjiżi ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant (35).

3.   Għall-perijodu 2004-2006, l-Għajnuna għandha tammonta għal 90 miljun euro f'approprjazzjonijiet ta' impenn, li jkunu impenjati f'partijiet annwali ugwali.

4.   L-Għajnuna jew partijiet minnha jistgħu jkunu disponibbli bħala kontribuzzjoni ta' l-Unjoni għall-Fond Internazzjonali ta' Għajnuna għad-Diżattivazzjoni ta' Bohunice, amministrat mill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u Żvilupp.

Artikolu 66

L-Unjoni tirrikonoxxi li d-diżattivazzjoni ta' l-Impjant ta' Enerġija Nukleari ta' Bohunice V1 irid ikompli wara l-Perspettiva Finanzjarja, kif imfissra fil-Ftehim Interistituzzjonali tas-6 ta' Mejju 1999, u li dan l-isforz jirrappreżenta għall-Islovakkja piż finanzjarju sinifikanti. Id-deċiżjonijiet li ser jittieħdu dwar it-tkomplija ta' l-għajnuna mill-Unjoni f'dan il-qasam wara l-2006 għandhom iqisu s-sitwazzjoni.

Artikolu 67

Dan it-Titolu għandu japplika fid-dawl tad-Dikjarazzjoni dwar l-Unità 1 u l-Unità 2 ta' l-Impjant ta' Enerġija Nukleari ta' Bohunice V1 fl-Islovakkja li tinkludi, mingħajr ma jinbidel l-effett legali tagħhom, il-kliem użat fil-preambolu tal-Protokoll Nru. 9 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas-16 ta' April 2003.

TITOLU X

DISPOSIZZJONIJIET DWAR ĊIPRU

Artikolu 68

1.   L-applikazzjoni ta' l-acquis tal-Komunità u ta' l-Unjoni għandha tiġi sospiża f'dawk iż-żoni tar-Repubblika ta' Ċipru li fihom il-Gvern tar-Repubblika ta' Ċipru ma jeżerċitax kontroll effettiv.

2.   Il-Kunsill, abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddeċiedi dwar it-tneħħija tas-sospensjoni prevista fil-paragrafu 1. Għandu jaġixxi b'mod unanimu.

Artikolu 69

1.   Il-Kunsill, abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddefinixxi l-kondizzjonijiet li taħthom id-disposizzjonijiet tad-dritt ta' l-Unjoni għandhom japplikaw fir-rigward tal-linja li taqsam dawk iż-żoni previsti fl-Artikolu 68 u ż-żoni li fihom il-Gvern tar-Repubblika ta' Ċipru jeżerċita kontroll effettiv. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu.

2.   Il-konfini bejn iż-Żona ta' Bażi Sovrana tal-Lvant u ż-żoni previsti fl-Artikolu 68 għandu jkunu trattat bħala parti mill-konfini esterni taż-Żoni ta' Bażi Sovrana għall-iskop tal-Parti Erbgħa ta' l-Anness tal-Protokoll Nru. 3 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas-16 ta' April 2003 dwar iż-Żoni ta' Bażi Sovrana tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq f'Ċipru pendenti ż-żmien tas-sospensjoni ta' l-applikazzjoni ta' l-acquis tal-Komunità u l-Unjoni skond l-Artikolu 68.

Artikolu 70

1.   Xejn f'dan it-Titolu ma għandu jipprekludi l-adozzjoni ta' miżuri maħsuba biex jippromwovu l-iżvilupp ekonomiku taż-żoni previsti fl-Artikolu 68.

2.   Dawn il-miżuri ma għandhomx jolqtu l-applikazzjoni ta' l-acquis tal-Komunità u ta' l-Unjoni taħt il-kondizzjonijiet stipulati f'dan il-Protokoll f'kull parti oħra tar-Repubblika ta' Ċipru.

Artikolu 71

F'każ ta' ftehim dwar il-problema ta' Ċipru, l-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddeċiedi dwar l-adattamenti għall-kondizzjonijiet li jikkonċernaw l-adeżjoni ta' Ċipru ma' l-Unjoni Ewropea, li jkun jaqbel li jsiru biex tingħata konsiderazzjoni lill-Komunità Ċiprijotta-Torka. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu.

Artikolu 72

Dan it-Titolu għandu japplika fid-dawl tad-dikjarazzjoni dwar Ċipru li tinkludi, mingħajr ma jinbidel l-effett legali tagħhom, il-kliem użat fil-preambolu tal-Protokoll Nru. 10 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas-16 ta' April 2003.

IT-TIELET PARTI

DISPOSIZZJONIJIET DWAR L-ANNESSI TA' L-ATT TA' L-ADEŻJONI TAS-16 TA' APRIL 2003

Artikolu 73

L-Anness I u l-Annessi III sa XVII ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas-16 ta' April 2003, l-appendiċi tagħhom, u l-Annessi tal-Protokolli 2, 3 u 8 tal l-Att ta' l-Adeżjoni tas-16 ta' April 2003 (36) huma parti integrali ta' dan il-Protokoll.

Artikolu 74

1.   Ir-referenzi għat-“Trattat ta' Adeżjoni” magħmula fl-Annessi previsti fl-Artikolu 73 ta' dan il-Protokoll għandhom jinftehmu li huma għat-Trattat previst fl-Artikolu IV-437(2)(e) tal-Kostituzzjoni, u dawk magħmula għad-data jew il-ħin ta' l-iffirmar ta' dak it-Trattat għandhom jinftehmu li huma għas-16 ta' April 2003 u dawk magħmula għad-data ta' l-adeżjoni għandhom jinfthiemu li huma għall-1 ta' Mejju 2004.

2.   Bla ħsara għat-tieni subparagrafu, r-referenzi għal “dan l-Att” magħmula fl-Annessi previsti fl-Artikolu 73 ta' dan il-Protokoll għandhom jinftehmu li huma magħmula għall-Att ta' l-Adeżjoni tas-16 ta' April 2003.

Ir-referenzi magħmula għad-disposizzjonijiet ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas-16 ta' April 2003 fl-Annessi previsti fl-Artikolu 73 ta' dan il-Protokoll għandhom jinftehmu li huma magħmula għal dan il-Protokoll, skond it-tabella ta' ekwivalenza li ġejja:

L-Att ta' l-Adeżjoni tas-16 ta' April 2003

Protokoll

Artikolu 21

Artikolu 12

Artikolu 22

Artikolu 13

Artikolu 24

Artikolu 15

Artikolu 32

Artikolu 21

Artikolu 37

Artikolu 26

Artikolu 52

Artikolu 32

3.   L-espressjonijiet, li jidhru fl-Annessi msemmija fl-Artikolu 73, għandhom jinftehmu li għandhom it-tifsira moghtija lilhom fit-tabella ta' ekwivalenza li ġejja, sakemm ma jirreferux esklużivament għal sitwazzjonijiet legali li jippreċedu d-dħul fis-seħħ tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa.

L-espressjonijiet użati fl-Annessi previsti fl-Artikolu 73

Tifsira

It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea

Kostituzzjoni

Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

Kostituzzjoni

Trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea

Kostituzzjoni

Komunità Ewropea

Unjoni

Komunità Mkabbra

Unjoni

Komunità

Unjoni

UE

Unjoni

Unjoni Mkabbra jew UE Mkabbra

Unjoni

B'deroga mill-ewwel subparagrafu, t-tifsira tal-frażi “Komunitarja” fejn hi użata biex tikkwalifika it-termini “preferenzi” u “sajd” m'għandhiex tinbidel.

4.   Ir-referenzi magħmula għal partijiet jew għal disposizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea magħmula fl-Annessi previsti fl-Artikolu 73 ta' dan il-Protokoll għandhom jinftehmu li huma magħmula għal partijiet jew għal disposizzjonijiet tal-Kostituzzjoni, skond it-tabella ta' ekwivalenza li ġejja.

Trattat tal-KE

Kostituzzjoni

Parti III, Titolu I

Parti III, Titolu III, Kapitolu I, Sezzjoni 3

Parti III, Titolu I, Kapitolu 1

Parti III, Titolu III, Kapitolu I, Sezzjoni 3, sotto-sezzjoni 1

Parti III, Titolu II

Parti III, Titolu III, Kapitolu III, Sezzjoni 4

Parti III, Titolu III

Parti III, Titolu III, Kapitolu I, Sezzjonijiet 2 u 4

Parti III, Titolu VI, Kapitolu 1

Parti III, Titolu III, Kapitolu I, Sezzjoni 5

Artikolu 31

Artikolu III-155

Artikolu 39

Artikolu III-133

Artikolu 49

Artikolu III-144

Artikolu 58

Artikolu III-158

Artikolu 87

Artikolu III-167

Artikolu 88

Artikolu III-168

Artikolu 226

Artikolu III-360

Anness I

Anness I

5.   Fejn l-Annessi msemmija fl-Artikolu 73 ta' dan il-Protokoll jipprevedu li l-Kunsill jew il-Kummissjoni għandhom jadottaw atti legali, dawk l-atti għandhom jieħdu l-forma ta' regolamenti jew deċiżjonijiet Ewropej.

10.   

PROTOKOLL DWAR IL-PROĊEDURA DWAR ID-DEFICIT EĊĊESSIV

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

BIX-XEWQA li jistabbilixxu d-dettalji tal-proċedura dwar id-deficit eċċessiv prevista fl-Artikolu III-184 tal-Kostituzzjoni,

FTEHMU dwar id-disposizzjonijiet li ġejjin, li għandhom jiġu annessi mat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa:

Artikolu 1

Il-valuri ta' referenza previsti fl-Artikolu III-184(2) tal Kostituzzjoni huma:

a)

3 % għall-proporzjon bejn id-deficit pubbliku ippjanat jew attwali u l-prodott gross domestiku bil-prezzijiet tas-suq;

b)

60 % għall-proporzjon bejn id-dejn pubbliku u l-prodott gross domestiku bil-prezzijiet tas-suq.

Artikolu 2

Għall-finijiet ta' l-Artikolu III-184 tal-Kostituzzjoni u ta' dan il-Protokoll:

a)

“gvern” tfisser il-gvern in ġenerali, jiġifieri l-gvern ċentrali, reġjonali jew lokali u l-fondi ta' sigurtà soċjali, minbarra l-attivitajiet kummerċjali, kif definiti fis-Sistema Ewropea ta' Kontijiet Ekonomiċi Integrati;

b)

deficit” tfisser bżonn nett ta' finanzjament kif definit fis-Sistema Ewropea ta' Kontijiet Ekonomiċi Integrati;

ċ)

“investiment” tfisser formazzjoni komplessiva ta' kapital fiss kif definit fis-Sistema Ewropea ta' Kontijiet Ekonomiċi Integrati;

d)

“dejn” tfisser dejn gross totali f'valur nominali pendenti fl-aħħar tas-sena u kkonsolidat bejn u fis-setturi tal-gvern in ġenerali hekk kif definit fil-punt (a).

Artikolu 3

Sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-proċedura dwar id-deficit eċċessivi, l-gvernijiet ta' l-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli taħt din il-proċedura għad-deficit tal-gvern in ġenerali kif definit fil-punt (a) ta' l-Artikolu 2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri nazzjonali fil-qasam tal-budget jippermettulhom li jonoraw l-obbligi tagħhom f'dan ir-rigward kif jirriżultaw mill-Kostituzzjoni. L-Istati Membri għandhom jirrapportaw fil-pront u regolarment lill-Kummissjoni dwar id-deficit ippjanat u attwali u l-livell ta' dejn tagħhom.

Artikolu 4

L-informazzjoni statistika li għandha tintuża għall-applikazzjoni ta' dan il-Protokoll għandha tingħata mill-Kummissjoni.

11.   

PROTOKOLL DWAR IL-KRITERJI TA' KONVERĠENZA

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

BIX-XEWQA li jistabbilixxu d-dettalji dwar il-kriterji ta' konverġenza li ser imexxu l-Unjoni fid-deċiżjonijiet previsti fl-Artikolu III-198 tal-Kostituzzjoni li jittieħdu biex jintemmu d-derogi ta' dawk l-Istati Membri b'deroga msemmija fl-Artikolu III-198 tal-Kostituzzjoni,

FTEHMU dwar id-disposizzjonijiet li ġejjin, li għandhom jiġu annessi mat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa:

Artikolu 1

Il-kriterju ta' l-istabbilità tal-prezzijiet previst fl-Artikolu III-198(1)(a) tal-Kostituzzjoni għandu jfisser li l-Istat Membru involut jkollu grad ta' stabbilità tal-prezzijiet li jkun sostenibbli u rata medja ta' inflazzjoni, osservata fuq perjodu ta' sena qabel l-eżami, li ma teċċedix b'aktar minn 1.5 %, dik ta' l-aħjar tliet Stati Membri f'dik li hi stabbiltà fil-prezzijiet. L-inflazzjoni għandha tiġi mkejla permezz ta' indiċi ta' prezzijiet tal-konsumatur fuq bażi paragunabbli, meħud kont tad-differenzi fid-definizzjonijiet nazzjonali.

Artikolu 2

Il-kriterju tas-sitwazzjoni dwar il-finanzi tal-gvern kif previst fl-Artikolu III-198(1)(b) tal-Kostituzzjoni għandu jfisser li fil-waqt ta' l-eżami, l-Istat Membru involut ma jkunx is-suġġett ta' deċiżjoni Ewropea tal-Kunsill taħt l-Artikolu III-184(6) tal-Kostituzzjoni dwar l-eżistenza ta' deficit eċċessiv.

Artikolu 3

Il-kriterju dwar il-parteċipazzjoni fil-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju tas-Sistema Monetarja Ewropea kif previst fl-Artikolu III-198(1)(ċ) tal-Kostituzzjoni għandu jfisser li l-Istat Membru involut ikun irrispetta l-marġni normali ta' varjazzjoni previsti mill-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju tas-Sistema Monetarju Ewropea mingħajr tensjonijiet qawwija għal mill-inqas l-aħħar sentejn qabel l-eżami. Partikolarment, l-Istat Membru ma għandux ikun żvaluta r-rata bilaterali ċentrali tal-munita tiegħu kontra l-euro fuq inizjattiva tiegħu stess matul l-istess perjodu.

Artikolu 4

Il-kriterju dwar il-konverġenza ta' rati ta' l-imgħax previst fl-Artikolu III-198(1)(d) tal-Kostituzzjoni għandu jfisser li, osservat fuq perjodu ta' sena qabel l-eżami, l-Istat Membru involut kellu rata ta' l-imgħax medja nominali b'terminu twil li ma taqbiżx b'aktar minn żewġ punti perċentwali, dik ta' l-aħjar tliet Stati Membri f'dik li hi stabbiltà fil-prezzijiet. Ir-rati ta' l- imgħax għandhom jitkejlu abbażi ta' bonds tal-gvern b'terminu twil jew titoli paragunabbli, kont meħud tad-differenzi fid-definizzjonijiet nazzjonali.

Artikolu 5

L-informazzjoni statistika li għandha tintuża għall-applikazzjoni ta' dan il-Protokoll għandha tkun mogħtija mill-Kummissjoni.

Artikolu 6

Il-Kunsill, li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni u wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew, lill-Bank Ċentrali Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, previst fl-Artikolu III-192 tal-Kostituzzjoni, għandu jadotta disposizzjonijiet approprjati biex jistabbilixxi d-dettalji tal-kriterji ta' konverġenza previsti fl-Artikolu III-198 tal-Kostituzzjoni, li għandhom imbagħad jieħdu post dan il-Protokoll.

12.   

PROTOKOLL DWAR IL-GRUPP TA'L-EURO

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

BIX-XEWQA li jippromwovu kondizzjonijiet għal tkabbir ekonomiku iktar b'saħħtu fl-Unjoni Ewropea u, għal dak il-għan, li jiżviluppaw kordinazzjoni dejjem iktar mill-qrib tal-politika ekonomika fiż-żona tal-euro;

FILWAQT li huma konxji mill-bżonn li jiġu stabbiliti disposizzjonijiet speċjali għal djalogu msaħħaħ bejn l-Istati Membri li l-munita tagħhom hi l-euro, sa ma l-euro tkun saret il-munita ta' l-Istati Membri kollha ta' l-Unjoni,

FTEHMU dwar id-disposizzjonijiet li ġejjin, li huma annessi mat-Trattat li jistabblixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa:

Artikolu 1

Il-Ministri ta' l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom jiltaqgħu informalment. Dawn il-laqgħat għandhom iseħħu, meta meħtieġ, biex ikunu diskussi kwistjonijiet marbuta mar-responsabbiltajiet speċifiċi li huma jaqsmu fejn tidħol il-munita unika. Il-Kummissjoni għandha tieħu sehem fil-laqgħat. Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jkun mistieden jieħu sehem f'dawn il-laqgħat, li għandhom ikunu ppreparati mir-rappreżentanti tal-Ministri responsabbli għall-finanzi ta' l-Istati Membri li l-munita tagħhom hi l-euro u tal-Kummissjoni.

Artikolu 2

Il-Ministri ta' l-Istati Membri li l-munita tagħhom hi l-euro għandhom jeleġġu president għal sentejn u nofs, bil-maġġoranza ta' dawk l-Istati Membri.

13.   

PROTOKOLL DWAR ĊERTI DISPOSIZZJONIJIET RIGWARD IR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA' FUQ FIR-RIGWARD TA' L-UNJONI EKONOMIKA U MONETARJA

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li r-Renju Unit ma hux obbligat jew marbut li jadotta l-euro mingħajr deċiżjoni separata biex jagħmel hekk mill-gvern u l-Parlament tiegħu;

BILLI li fis-16 ta' Ottubru 1996 u t-30 ta' Ottubru 1997 il-gvern tar-Renju Unit innotifika lill-Kunsill bl-intenzjoni tiegħu li ma jipparteċipax fit-tielet stadju ta' l-unjoni ekonomika u monetarja, taħt il-kondizzjonijiet tal-paragrafu 1 tal-Protokoll dwar ċerti disposizzjonijiet fir-rigward tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea;

FILWAQT LI JINNOTAW l-prattika tal-gvern tar-Renju Unit li jiffinanzja s-self tiegħu permezz tal-bejgħ tat-titoli ta' kreditu lis-settur privat;

FTEHMU dwar id-disposizzjonijiet li ġejjin, li għandhom jiġu annessi mat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa:

Artikolu 1

Kemm-il darba r-Renju Unit ma jinnotifikax lill-Kunsill bl-intenzjoni li jadotta l-euro, ma għandu ebda obbligu li jagħmel dan.

Artikolu 2

Minħabba n-notifika mogħtija lill-Kunsill mill-gvern tiegħu fis-16 ta' Ottubru 1996 u fit-30 ta' Ottubru 1997, l-Artikoli 3 sa 8 u 10 għandhom japplikaw għar-Renju Unit.

Artikolu 3

Ir-Renju Unit għandu jżomm il-poteri tiegħu fil-qasam tal-politika monetarja skond il-liġi nazzjonali.

Artikolu 4

L-Artikolu I-30(2), bl-eċċezzjoni ta' l-ewwel u l-aħħar sentenzi tiegħu, l-Artikolu I-30(5), l-Artikolu III-177(2), l-Artikolu III-184(1), (9) u (10), l-Artikolu III-185(1) sa (5), l-Artikolu III-186, l-Artikoli III-188, III-189, III-190 u III-191, l-Artikolu III-196, l-Artikolu III-198(3), l-Artikoli III-326 u III-382 tal-Kostituzzjoni ma għandhomx japplikaw għar-Renju Unit. Bl-istess mod l-Artikolu III-179 (2) ma għandux japplika għar-Renju Unit fir-rigward ta' l-adozzjoni tal-partijiet tal-linji gwida ġenerali ta' politika ekonomika li jikkonċernaw iż-żona tal-euro b'mod ġenerali.

Fid-disposizzjonijiet previsti fl-ewwel paragrafu, kull referenza għall-Unjoni jew għall-Istati Membri m' għandhiex tinkludi lir-Renju Unit u referenzi għall-banek ċentrali nazzjonali m'għandhomx jinkludu l-Bank of England.

Artikolu 5

Ir-Renju Unit għandu jagħmel ħiltu biex jevita deficit eċċessiv min-naħa tal-gvern.

L-Artikoli III-192(4) u III-200 tal-Kostituzzjoni għandhom japplikaw għar-Renju Unit daqs li kieku kellu deroga. L-Artikoli III-201 u III-202 tal-Kostituzzjoni għandhom jibqgħu japplikaw għar-Renju Unit.

Artikolu 6

Id-drittijiet tal-vot tar-Renju Unit għandhom jiġu sospiżi għall-adozzjoni mill-Kunsill tal-miżuri previsti fl-Artikoli elenkati fl-Artikolu 4 u fil-każijiet previsti fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu III-197(4) tal-Kostituzzjoni. Għal dan l-iskop it-tieni u t-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu III-91 (4) tal-Kostituzzjoni għandhom japplikaw.

Ir-Renju Unit m' għandux lanqas id-dritt jipparteċipa fil-ħatra tal-President, tal-Viċi President u tal-membri l-oħra tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew previsti fit-tieni, t-tielet u r-raba' paragrafi ta' l-Artikolu III-382(2) tal-Kostituzzjoni.

Artikolu 7

L-Artikoli 3, 4, 6, u 7, l-Artikolu 9(2), l-Artikolu 10(1), (2) u (3), l-Artikolu 11(2), l-Artikolu 12(1), l-Artikoli 14, 16, 18, 19, 20, 22, 23, 26, 27, 30, 31, 32, 33, 34 u 50 tal-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (“l-Istatut”) m'għandhomx japplikaw għar-Renju Unit.

F'dawk l-Artikoli, referenzi għall-Unjoni jew l-Istati Membri m'għandhomx jinkludu r-Renju Unit u referenzi għal banek ċentrali nazzjonali jew azzjonisti m'għandhomx jinkludu l-Bank of England.

Ir-referenzi fl-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 30(2) ta' l-Istatut għal “kapital sottoskritt tal-Bank Ċentrali Ewropew” m'għandhomx jinkludu kapital sottoskritt mill-Bank of England.

Artikolu 8

L-Artikolu III-199 tal-Kostituzzjoni u l-Artikoli 43 sa 47 ta' l-Istatut huma applikabbli, sew jekk Stat Membru jkollu u kemm jekk ma jkollux deroga, bla ħsara għall-emendi li ġejjin:

a)

Referenzi fl-Artikolu 43 ta' l-Istatut għall-kompiti tal-Bank Ċentrali Ewropew u l-Istitut Monetarju Ewropew għandhom jinkludu dawk il-kompiti li jkunu għad iridu jsiru wara l-introduzzjoni tal-euro bħala riżultat tad-deċiżjoni tar-Renju Unit li ma jadottax l-euro.

b)

B'żieda mal-kompiti previsti fl-Artikolu 46 ta' l-Istatut, il-Bank Ċentrali Ewropew għandu wkoll jagħti parir u jikkontribwixxi għat-tħejjija ta' kull Regolament Ewropew jew kull deċiżjoni Ewropea tal-Kunsill fir-rigward tar-Renju Unit meħuda skond l-Artikolu 9(a) u 9(ċ) ta' dan il-Protokoll.

ċ)

Il-Bank of England għandu jħallas il-kontribuzzjoni tiegħu għall-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew bħala kontribuzzjoni għall-ispejjeż operazzjonali fuq l-istess bażi bħall-banek ċentrali nazzjonali ta' l-Istati Membri b'deroga.

Artikolu 9

Ir-Renju Unit jista' jinnotifika lill-Kunsill f'kull ħin bl-intenzjoni tiegħu li jadotta l-euro. F'dak il-każ:

a)

Ir-Renju Unit għandu jkollu d-dritt li jadotta l-euro jekk jissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa biss. Il-Kunsill, waqt li jaġixxi fuq talba tar-Renju Unit u taħt il-kondizzjonijiet u skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu III-198(1) u (2) tal-Kostituzzjoni, għandu jiddeċiedi jekk ir-Renju Unit jissodisfax il-kondizzjonijiet meħtieġa;

b)

Il-Bank of England għandu jħallas il-kapital sottoskritt tiegħu, jittrasferixxi lill-Bank Ċentrali Ewropew l-assi ta' riservi barranin u jikkontribwixxi għar-riservi tiegħu fuq l-istess bażi bħall-bank ċentrali nazzjonali ta' Stat Membru li d-deroga tiegħu tkun ġiet abrogata;

ċ)

Il-Kunsill, waqt li jaġixxi fuq il-kondizzjonijiet u skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu III-198 (3) tal-Kostituzzjoni, għandu jieħu d-deċiżjonijiet l-oħra kollha meħtieġa biex ir-Renju Unit ikun jista' jadotta l-euro.

Jekk ir-Renju Unit jadotta l-euro skond id-disposizzjonijiet ta' dan l-Artikolu, l-Artikoli 3 sa 8 m'għandhomx jibqgħu fis-seħħ.

Artikolu 10

Minkejja l-Artikoli III-181 tal-Kostituzzjoni u l-Artikolu 21(1) ta' l-Istatut, il-Gvern tar-Renju Unit jista' jibqa' jżomm il-faċilità tiegħu ta' “ways and means” mal-Bank of England jekk u sakemm ir-Renju Unit ma jadottax l-euro.

14.   

PROTOKOLL DWAR ĊERTI DISPOSIZZJONIJIET LI GĦANDHOM X'JAQSMU MAD-DANIMARKA FIR-RIGWARD TA' L-UNJONI EKONOMIKA U MONETARJA

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

BILLI fil-Kostituzzjoni tad-Danimarka hemm disposizzjonijiet li jistgħu jimplikaw li jsir referendum fid-Danimarka qabel ma dan l-Istat jirrinunzja għad-deroga tiegħu;

BILLI fit-3 ta' Novembru 1993 il-Gvern tad-Danimarka innotifika lill-Kunsill bl-intenzjoni tiegħu li ma kienx ser jipparteċipa fit-tielet stadju ta' l-unjoni ekonomika u monetarja, taħt il-kondizzjonijiet tal-paragrafu 1 tal-Protokoll dwar ċerti disposizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mad-Danimarka anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea;

FTEHMUdwar id-disposizzjonijiet li ġejjin, li għandhom jiġu annessi mat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa:

Artikolu 1

Minħabba n-notifika mogħtija lill-Kunsill mill-Gvern Daniż fit-3 ta' Novembru 1993, id-Danimarka għandu jkollha deroga. L-effett ta' l-eżenzjoni għandu jkun li d-disposizzjonijiet kollha tal-Kostituzzjoni u ta' l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew li jirreferu għal deroga għandhom ikunu applikabbli għad-Danimarka.

Artikolu 2

F'dak li għandu x'jaqsam ma' l-abrogazzjoni tad-deroga, l-proċedura prevista fl-Artikolu III-198 tal-Kostituzzjoni għandha tinbeda biss fuq it-talba tad-Danimarka.

Artikolu 3

Fil-każ li din id-deroga tintemm, dan il-Protokoll m'għandux ikompi japplika.

15.   

PROTOKOLL DWAR ĊERTI KOMPITI TAL-BANK NAZZJONALI TAD-DANIMARKA

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

BIX-XEWQA li jsolvu ċertu problemi partikolari li jirrigwardaw id-Danimarka,

FTEHMU dwar id-disposizzjonijiet li ġejjin, li għandhom jiġu annessi mat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa:

Artikolu uniku

L-Artikolu 14 tal-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew ma jolqotx id-dritt tal-Bank Nazzjonali tad-Danimarka li jwettaq il-kompiti eżistenti tiegħu rigward dawk it-territorji tad-Danimarka li mhumiex parti mill-Unjoni.

16.   

PROTOKOLL DWAR IS-SISTEMA TAL-FRANC TAL-KOMUNITÀ FINANZJARJA TAL-PAĊIFIKU

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

BIX-XEWQA li jieħdu in konsiderazzjoni punt partikulari li għandu x'jaqsam ma' Franza,

FTEHMU dwar id-disposizzjonijiet li ġejjin, li għandhom jiġu annessi mat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa:

Artikolu uniku

Franza tista' żżomm il-privileġġ ta' emissjoni ta' munita fil-Kaledonja l-ġdida, fil-Polineżja Franċiża u Wallis u Futuna taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti mil-liġijiet nazzjonali tagħha u hija waħedha intitolata li tiddetermina l-parità tal-franc tal-Komunità Finanzjarja tal-Paċifiku.

17.   

PROTOKOLL DWAR L-ACQUIS TA' SCHENGEN INTEGRAT FIL-KWADRU TA' L-UNJONI EWROPEA

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

FILWAQT LI JFAKKRU li d-disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen li jikkonsistu fi Ftehim dwar t-tneħħija gradwali ta' kontrolli fuq fruntieri komuni iffirmati minn xi Stati Membri ta' l-Unjoni Ewropea f'Schengen fl-14 ta' Ġunju 1985 u fid-19 ta' Ġunju 1990, kif ukoll il-ftehim u r-regoli li għandhom x'jaqsmu adottati fuq il-bażi ta' dawk il-ftehim, ġew integrati fil-kwadru ta' l-Unjoni Ewropea permezz ta' Protokoll anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea;

BIX-XEWQA li jippreservaw l-acquis ta' Schengen, kif żviluppat minn meta daħal fis-seħħ dan il-Protokoll, fil-qafas tal-Kostituzzjoni, u li jiżviluppaw dan l-acquis sabiex jikkontribwixxu għat-twettiq tal-mira li jiġi offert liċ-ċittadini ta' l-Unjoni spazju ta' libertà, ta' sigurtà u ta' ġustizzja mingħajr fruntieri interni;

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW il-pożizzjoni speċjali tad-Danimarka;

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW il-fatt li l-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq ma jipparteċipawx fid-disposizzjonijiet kollha ta' l-acquis ta' Schengen; madankollu għandha tiġi prevista l-possibiltà li dawk l-Istati Membri jitħallew jaċċettaw disposizzjonijiet oħrajn ta' dan l-acquis, parzjalment jew fl-intier;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li, bħala konsegwenza, huwa meħtieġ li jsir użu mid-disposizzjonijiet tal-Kostituzzjoni li jikkonċernaw koperazzjoni msaħħa bejn xi Stati Membri;

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW il-bżonn li tinżamm relazzjoni speċjali mar-Repubblika ta' l-Islanda u mar-Renju tan-Norveġja, billi dawn iż-żewġ Stati huma marbuta bid-disposizzjonijiet ta' l-unjoni Nordika tal-passaport, kif ukoll l-Istati Nordiċi li huma membri ta' l-Unjoni Ewropea,

FTEHMU dwar id-disposizzjonijiet li ġejjin, li għandhom jiġu annessi mat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa:

Artikolu 1

Ir-Renju tal-Belġju, r-Repubblika Ċeka, r-Renju tad-Danimarka, r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, r-Repubblika ta' l-Estonja, r-Repubblika Ellenika, r-Renju ta' Spanja, r-Repubblika Franċiża, l-Irlanda, r-Repubblika Taljana, r-Repubblika ta' Ċipru, r-Repubblika tal-Latvja, r-Repubblika tal-Litwanja, l-Gran Dukat tal-Lussemburgu, r-Repubblika ta' l-Ungerija, r-Repubblika ta' Malta, r-Renju ta' l-Olanda, r-Repubblika ta' l-Awstrija, r-Repubblika tal-Polonja, r-Repubblika Portugiża, r-Repubblika tas-Slovenja, r-Repubblika Slovakka, r-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju ta' l-Isvezja għandhom ikunu awtorizzati li jimplementaw bejniethom koperazzjoni msaħħa f'oqsma koperti b'disposizzjonijiet definiti mill-Kunsill u li jikkostitwixxu l-acquis ta' Schengen. Din il-koperazzjoni ghandha titmexxa fi ħdan il-qafas istituzzjonali u legali ta' l-Unjoni u b'rispett lejn id-disposizzjonijiet rilevanti tal-Kostituzzjoni.

Artikolu 2

L-acquis ta' Schengen għandu japplika għall-Istati Membri previsti fl-Artikolu 1, bla preġudizzju għall-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar it-Trattat u l-Att ta' l-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, r-Repubblika ta' l-Estonja, r-Repubblika ta' Ċipru, r-Repubblika tal-Latvja, r-Repubblika tal-Litwanja, r-Repubblika ta' l-Ungerija, r-Repubblika ta' Malta, r-Repubblika tal-Polonja, r-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka. Il-Kunsill għandu jissostitwixxi l-Kumitat Eżekuttiv stabbilit mill-ftehim ta' Schengen.

Artikolu 3

Il-parteċipazzjoni tad-Danimarka fl-adozzjoni ta' miżuri li jikkostitwixxu żvilupp ta' l-acquis ta' Schengen, kif ukoll l-implimentazzjoni ta' dawk il-miżuri u l-applikazzjoni tagħhom għad-Danimarka, għandhom ikunu ggvernati mid-disposizzjonijiet rilevanti tal-Protokoll dwar il-posizzjoni tad-Danimarka.

Artikolu 4

L-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, jistgħu f'kull ħin jitolbu li jipparteċipaw fid-disposizzjonijiet kollha jew f'xi disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen.

Il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni Ewropea dwar din it-talba. Għandu jaġixxi bl-unanimità tal-membri previsti fl-Artikolu 1 u tal-membru li jirrappreżenta l-Gvern ta' l-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 5

Il-proposti u l-inizjattivi bbażati fuq l-acquis ta' Schengen għandhom ikunu suġġetti għad-disposizzjonijiet rilevanti tal-Kostituzzjoni.

F'dan il-kwadru, fejn jew l-Irlanda jew ir-Renju Unit jew t-tnejn li huma, ma jkunux innotifikaw lill-President tal-Kunsill bil-miktub fi żmien raġjonevoli li huma jixtiequ jipparteċipaw, l-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu III-419(1) tal-Kostituzzjoni għandha titqies li tkun ġiet mogħtija lill-Istati Membri previsti fl-Artikolu 1 u lill-Irlanda jew lir-Renju Unit meta xi wieħed minnhom ikun jixtieq jipparteċipa fl-oqsma ta' koperazzjoni previsti.

Artikolu 6

Ir-Repubblika ta' l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja għandhom ikunu assoċjati ma' l-implimentazzjoni ta' l-acquis ta' Schengen u l-iżvilupp ulterjuri tiegħu. Għandu jsir ftehim dwar il-proċeduri xierqa għal dan l-iskop fi Ftehim li jkun konkluż ma' dawk l-Istati mill-Kunsill, li għandu jaġixxi bl-unanimità tal-membri tiegħu prevista fl-Artikolu 1. Dak il-Ftehim għandu jinkludi disposizzjonijiet dwar il-kontribut ta' l-Islanda u tan-Norveġja għal kull konsegwenza finanzjarja li tirriżulta mill-implimentazzjoni ta' dan il-Protokoll.

Ftehim separat għandu jiġi konkluż mill-Kunsill, li jaġixxi b'mod unanimu, ma' l-Islanda u n-Norveġja għall-istabbiliment ta' drittijiet u obbligi bejn l-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq min-naħa l-waħda, u l-Islanda u n-Norveġja min-naħa l-oħra, fl-oqsma ta' l-acquis ta' Schengen li japplikaw għal dawk l-Istati.

Artikolu 7

Għall-finijiet tan-negozjati għall-adeżjoni ta' Stati membri ġodda għall-Unjoni Ewropea, l-acquis ta' Schengen u miżuri ulterjuri adottati mill-istituzzjonijiet fl-ambitu tiegħu għandhom jitqiesu bħala acquis li għandu jkun aċċettat għal kollox mill-Istati kollha li huma kandidati għall-adeżjoni.

18.   

PROTOKOLL DWAR L-APPLIKAZZJONI TA' ĊERTI ASPETTI TA' L-ARTIKOLU III-130 TAL-KOSTITUZZJONI GĦAR-RENJU UNIT U GĦALL-IRLANDA

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

BIX-XEWQA li jirregolaw ċerti kwistjonijiet li jikkonċernaw ir-Renju Unit u l-Irlanda;

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW l-eżistenza għal ħafna snin ta' arranġamenti speċjali ta' l-ivvjaġġar bejn ir-Renju Unit u l-Irlanda,

FTEHMU dwar id-disposizzjonijiet li ġejjin, li għandhom jiġu annessi mat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa.

Artikolu 1

Ir-Renju Unit għandu jkun intitolat, minkejja l-Artikoli III-130 u III-265 tal-Kostituzzjoni, kull disposizzjoni oħra tagħha, kull miżura adottata taħtha, jew kull ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni jew mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha ma' xi Stat terz wieħed jew iżjed, li jeżerċita fuq il-fruntieri tiegħu ma' Stati Membri oħrajn dawk il-kontrolli fuq persuni li jfittxu li jidħlu fir-Renju Unit li huwa jikkunsidra meħtieġa għall-iskop:

a)

li jivverifika d-dritt tad-dħul fir-Renju Unit ta' ċittadini ta' Stati Membri u tad-dipendenti tagħhom li jkunu qegħdin jeżerċitaw drittijiet mogħtija mid-dritt ta' l-Unjoni, kif ukoll ta' ċittadini ta' Stati oħrajn li kienu mogħtija dawn id-drittijiet permezz ta' ftehim li jorbot ir-Renju Unit; u

b)

li jiddetermina hu jekk jagħtix jew le lil persuni oħrajn il-permess li jidħlu fir-Renju Unit.

Xejn fl-Artikoli III-130 u III-265 tal-Kostituzzjoni jew f'kull disposizzjoni oħra ta' dik il-Kostituzzjoni jew f'kull miżura adottata taħtha m'għandu jippreġudika d-dritt tar-Renju Unit li jadotta jew jeżerċita dawn il-kontrolli. Referenzi għar-Renju Unit f'dan l-Artikolu għandhom jinkludu territorji li r-responsabbiltà għar-relazzjonijiet esterni tagħhom hija tar-Renju Unit.

Artikolu 2

Ir-Renju Unit u l-Irlanda jistgħu jkomplu jagħmlu arranġamenti bejniethom rigward il-moviment ta' persuni bejn it-territorji tagħhom (il-“Common Travel Area”), fil-waqt li jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet ta' persuni previsti fl-Artikolu 1, l-ewwel paragrafu, l-punt (a). Konsegwentement, sakemm huma jżommu dawn l-arranġamenti, d-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 1 għandhom japplikaw għall-Irlanda bl-istess modalitajiet u kondizzjonijiet applikabbli għar-Renju Unit. Xejn fl-Artikoli III-130 u III-265 tal-Kostituzzjoni, f'kull disposizzjoni oħra tagħha jew f'kull miżura adottata taħtha ma għandu jolqot dawn l-arranġamenti.

Artikolu 3

L-Istati Membri l-oħrajn għandhom ikunu intitolati li jeżerċitaw fuq il-fruntieri tagħhom jew fuq kull post ta' dħul fit-territorju tagħhom dawn il-kontrolli fuq persuni li jfittxu jidħlu fit-territorju tagħhom mir-Renju Unit jew minn kull territorju li r-responsabbiltà għar-relazzjonijiet esterni tiegħu hija tar-Renju Unit għall-istess għanijiet previsti fl-Artikolu 1 ta' dan il-Protokoll, jew mill-Irlanda sakemm id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 1 japplikaw għal dak l-Istat.

Xejn fl-Artikoli III-130 u III-265 tal-Kostituzzjoni jew f'kull disposizzjoni oħra tagħha jew f'kull miżura adottata taħtha m'għandu jippreġudika d-dritt ta' Stati Membri oħrajn li jadottaw jew jeżerċitaw xi wħud inn dawn il-kontrolli.

Artikolu 4

Dan il-Protokoll għandu japplika wkoll għal atti li jibqgħu fis-seħħ permezz ta' l-Artikolu IV-438 tal-Kostituzzjoni.

19.   

PROTOKOLL DWAR IL-POŻIZZJONI TAR-RENJU UNIT U TA' L-IRLANDA DWAR POLITIKA RIGWARD IL-KONTROLLI FUQ IL-FRUNTIERI, L-ASIL U L-IMMIGRAZZJONI U RIGWARD IL-KOPERAZZJONI ĠUDIZZJARJA F'MATERJI ĊIVILI U L-KOPERAZZJONI TAL-PULIZIJA

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

BIX-XEWQA li jirregolaw ċerti kwistjonijiet li jikkonċernaw ir-Renju Unit u l-Irlanda;

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW il-Protokoll dwar l-applikazzjoni ta' ċerti aspetti ta' l-Artikolu III-14 tal-Kostituzzjoni għar-Renju Unit u l-Irlanda,

FTEHMU dwar id-disposizzjonijiet li ġejjin, li għandhom jiġu annessi mat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa:

Artikolu 1

Bla ħsara għall-Artikolu 3, ir-Renju Unit u l-Irlanda m'għandhomx jieħdu sehem fl-adozzjoni mill-Kunsill ta' miżuri proposti skond is-Sezzjonijiet 2 jew 3 tal-Kapitolu IV tat-Titolu III, tal-Kostituzzjoni jew l-Artikolu III-260 tagħha, sakemm dan l-Artikolu jirrigwarda l-oqsma koperti minn dawk is-Sezzjonijiet jew l-Artikolu III-263 jew mill-Artikolu III-275(2)(a) tal-Kostituzzjoni. Għandha tkun meħtieġa l-unanimità tal-membri tal-Kunsill, bl-eċċezzjoni tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tar-Renju Unit u l-Irlanda, għal dawk l-atti tal-Kunsill li għandhom jiġu adottati b'mod unanimu.

Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita bħala li hija ugwali għal mill-inqas 55 % tal-Membri tal-Kunsill, li jirrappreżentaw lill-Istati Membri parteċipanti li flimkien jinkludu mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni ta' dawn l-Istati.

Minoranza li timblokka għandha tinkludi mill-inqas in-numru minimu ta' membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw iktar minn 35 % tal-popolazzjoni ta' l-Istati Membri parteċipanti, u membru ieħor, u fin-nuqqas ta' dan, il-maġġoranza kwalifikata tkun meqjusa li nkisbet.

B'deroga mit-tieni u t-tielet subparagrafi, meta l-Kunsill ma jkunx qed jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni, jew fuq proposta tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni, l-maġġoranza kwalifikata rekwiżita għandha tkun definita bħala li hija ugwali għal mill-inqas 72 % tal-membri tal-Kunsill li jirrapreżentaw l-Istati Membri parteċipanti, li flimkien jinkludu mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni ta' dawn l-Istati.

Artikolu 2

Bis-saħħa ta' l-Artikolu 1 u bla ħsara għall-Artikoli 3, 4 u 6, l-ebda waħda mid-disposizzjonijiet tas-Sezzjonijiet 2 jew 3 tal-Kapitolu IV tat-Titolu III, tal-Kostituzzjonijew ta' l-Artikolu III-260 tagħha, sakemm dawn l-Artikoli jirrigwardaw l-oqsma koperti minn dawk is-Sezzjonijiet, jew ta' l-Artikolu III-263 jew ta' l-Artikolu III-275(2)(a) tal-Kostituzzjoni, l-ebda miżura adottata skond dawk is-Sezzjonijiet jew Artikoli, l-ebda disposizzjoni ta' kull ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni Ewropea skond dawk is-Sezzjonijiet jew l-Artikoli, u l-ebda sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea li tinterpreta xi disposizzjoni jew miżura minn dawn m'għandha tkun ta' rabta jew tkun applikabbli għar-Renju Unit jew għall-Irlanda; u l-ebda disposizzjoni, miżura jew deċiżjoni ma għandha fi kwalunkwe mod tolqot l-kompetenzi, d-drittijiet u l-obbligi ta' dawk l-Istati; u l-ebda disposizzjoni, miżura jew deċiżjoni ma għandha bi kwalunkwe mod tolqot l-acquis communautaire jew l-acquis ta' l-Unjoni jew tagħmel parti mid-dritt ta' l-Unjoni kif dawn japplikaw għar-Renju Unit jew għall-Irlanda.

Artikolu 3

1.   Ir-Renju Unit jew l-Irlanda jistgħu jinnotifikaw lill-Kunsill bil-miktub, fi żmien tliet xhur wara li tkun preżentata proposta għal miżura lill-Kunsill skond is-Sezzjonijiet 2 jew 3 tal-Kapitolu IV tat-Titolu III, tal-Kostituzzjoni, jew wara proposta jew inizjattiva tkun preżentata lill-Kunsill skond l-Artikolu III-263 jew l-Artikolu III-275(2)(a) tagħha, li huma jixtiequ jipparteċipaw fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' xi miżura bħal din proposta, meta mbagħad dak l-Istat għandu jkun intitolat jagħmel dan. Għandha tkun meħtieġa l-unanimità tal-membri tal-Kunsill, bl-eċċezzjoni ta' membru li ma jkunx għamel din in-notifika, għal dawk id-deċiżjonijiet tal-Kunsill li għandhom jiġu adottati b'mod unanimu. Miżura adottata taħt dan il-paragrafu għandha torbot l-Istati Membri kollha li jkunu pparteċipaw fl-adozzjoni tagħha. Ir-regolamenti jew id-deċiżjonijiet Ewropej adottati skond l-Artikolu III-260 tal-Kostituzzjoni għandhom jistabbilixxu l-kondizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tar-Renju Unit u ta' l-Irlanda fil-valutazzjonijiet li jikkonċernaw l-oqsma koperti mill-Parti III, t-Titolu III, l-Kapitolu IV, is-Sezzjonijiet 2 jew 3 tal-Kostituzzjoni.

Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita bħala li hija ugwali għal mill-inqas 55 % tal-Membri tal-Kunsill, li jirrappreżentaw lill-Istati Membri parteċipanti li flimkien jinkludu mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni ta' dawn l-Istati.

Minoranza li timblokka għandha tinkludi mill-inqas in-numru minimu ta' membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw iktar minn 35 % tal-popolazzjoni ta' l-Istati Membri parteċipanti, u membru ieħor, u fin-nuqqas ta' dan, il-maġġoranza kwalifikata tkun meqjusa li nkisbet.

B'deroga mit-tieni u t-tielet subparagrafi, meta l-Kunsill ma jkunx qed jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni, jew fuq proposta tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni, l-maġġoranza kwalifikata rekwiżita għandha tkun definita bħala li hija ugwali għal mill-inqas 72 % tal-membri tal-Kunsill li jirrapreżentaw l-Istati Membri parteċipanti, li flimkien jinkludu mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni ta' dawn l-Istati.

2.   Jekk, fi żmien raġonevoli, miżura prevista fil-paragrafu 1 ma tistax tiġi adottata bil-parteċipazzjoni tar-Renju Unit jew l-Irlanda, l-Kunsill jista' jadotta din il-miżura skond l-Artikolu 1 mingħajr il-parteċipazzjoni tar-Renju Unit jew l-Irlanda. F'dak il-każ, għandu japplika l-Artikolu 2.

Artikolu 4

Ir-Renju Unit jew l-Irlanda jistgħu f'kull żmien wara l-adozzjoni ta' miżura skond is-Sezzjonijiet 2 jew 3 tal-Kapitolu IV tat-Titolu III, tal-Kostituzzjoni, skond l-Artikolu III-263 jew l-Artikolu III-275(2)(a) tal-Kostituzzjoni, jinnotifikaw l-intenzjoni tagħhom lill-Kunsill u lill-Kummissjoni li jixtiequ jaċċettaw dik il-miżura. F'dak il-każ, il-proċedura stipulata fl-Artikolu III-420(1) tal-Kostituzzjoni għandha tapplika mutatis mutandis.

Artikolu 5

Membru Stat li mhuwiex marbut b'miżura adottata skond is-Sezzjonijiet 2 jew 3 tal-Kapitolu IV tat-Titolu III tal-Kostituzzjoni, skond l-Artikolu III-263 jew l-Artikolu III-275(2)(a), m'għandu jbati l-ebda konsegwenza finanzjarja ta' dik il-miżura ħlief l-ispejjeż amministrattivi li jkollhom jagħmlu l-istituzzjonijiet, sakemm il-membri kollha tal-Kunsill, li għandhom jaġixxu b'mod unanimu wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, ma jiddeċiedux mod ieħor.

Artikolu 6

Fejn, fil-każijiet previsti f'dan il-Protokoll, ir-Renju Unit u l-Irlanda huma marbuta b'miżura adottata skond is-Sezzjonijiet 2 jew 3 tal-Kapitolu IV tat-Titolu III, tal-Kostituzzjoni, skond l-Artikolu III-260 tagħha, sakemm dan l-Artikolu jirrigwarda l-oqsma koperti minn dawk is-Sezzjonijiet jew l-Artikolu III-263 jew l-Artikolu III-275(2)(a) tal-Kostituzzjoni, d-disposizzjonijiet rilevanti tal-Kostituzzjoni għandhom japplikaw għal dak l-Istat għar-rigward ta' dik il-miżura.

Artikolu 7

L-Artikoli 3 u 4 m'għandhomx jippreġudikaw il-Protokoll dwar l-acquis ta' Schengen integrat fil-kwadru ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 8

L-Irlanda tista' tinnotifika lill-Kunsill bil-kitba li hija ma tridx iżjed tkun koperta mit-termini ta' dan il-Protokoll. F'dak il-każ, dan il-Protokoll ma jibqax japplika għall-Irlanda.

20.   

PROTOKOLL DWAR IL-POSIZZJONI TAD-DANIMARKA

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

FILWAQT LI JIFTAKKRU d-deċiżjoni tal-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern, li ltaqgħu fil-Kunsill Ewropew ta' Edinburgu fit-12 ta' Diċembru 1992, dwar ċerti problemi mqajjma mid-Danimarka fuq it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

FILWAQT LI JINNUTAW il-posizzjoni tad-Danimarka fir-rigward taċ-ċittadinanza, l-unjoni ekonomika u monetarja, l-politika tad-difiża, u l-ġustizzja u intern kif stipulati fid-deċiżjoni ta' Edinburgu;

KONXJI mill-fatt illi kontinwazzjoni taħt il-Kostituzzjoni tas-sistema legali li oriġinat fid-deċiżjoni ta' Edinburgu ser tillimita b'mod sinifikattiv il-parteċipazzjoni tad-Danimarka f'oqsma importanti ta' koperazzjoni ta' l-Unjoni, u li jkun fl-aħjar interess ta' l-Unjoni li tiġi żgurata l-integrità ta' l-acquis fl-oqsma tal-libertà, sigurtà u ġustizzja;

BIX-XEWQA għaldaqstant li jistabilixxu qafas legali li joffri lid-Danimarka l-possibiltà li tipparteċipa fl-adozzjoni ta' miżuri proposti msejsa fuq il-Parti III, t-Titolu III, l-Kapitolu IV tal-Kostituzzjoni u jilqgħu l-intenzjoni tad-Danimarka li tagħmel użu minn din il-possibiltà meta jkun possibbli skond ir-rekwiżiti kostituzzjonali tagħha;

FILWAQT LI JINNUTAW illi d-Danimarka mhix ser iżomm lill-Istati Membri l-oħra milli jkomplu jiżviluppaw il-koperazzjoni ta' bejniethom fir-rigward ta' miżuri li ma jorbtux lid-Danimarka;

FILWAQT LI JIFTAKKRU l-Protokoll dwar l-acquis ta' Schengen integratfil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea;

FTEHMU dwar id-disposizzjonijiet li ġejjin, li għandhom jiġu annessi mal-Kostituzzjoni:

PARTI I

Artikolu 1

Id-Danimarka m'għandhiex tipparteċipa fl-adozzjoni mill-Kunsill ta' miżuri proposti skond il-Kapitolu IV tat-Titolu tal-Parti III tal-Kostituzzjoni. L-unanimità tal-membri tal-Kunsill, bl-eċċezzjoni tar-rappreżentant tal-gvern Daniż, għandha tkun meħtieġa għall-atti tal-Kunsill li jridu jiġu adottati b'mod unanimu.

Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita bħala li hija ugwali għal mill-inqas 55 % tal-Membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw lill-Istati Membri parteċipanti li flimkien jinkludu mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni ta' dawn l-Istati.

Minoranza li timblokka għandha tinkludi mill-inqas in-numru minimu ta' membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw iktar minn 35 % tal-popolazzjoni ta' l-Istati Membri parteċipanti, u membru ieħor, u fin-nuqqas ta' dan, il-maġġoranza kwalifikata tkun meqjusa li nkisbet.

B'deroga mit-tieni u t-tielet subparagrafi, meta l-Kunsill ma jkunx qed jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni, jew mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni, l-maġġoranza kwalifikata rekwiżita għandha tkun definita bħala li hija ugwali għal mill-inqas 72 % tal-membri tal-Kunsill li jirrapreżentaw l-Istati Membri parteċipanti, li flimkien jinkludu mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni ta' dawn l-Istati.

Artikolu 2

L-ebda mid-disposizzjonijiet tal-Kapitolu IV tat-Titolu tal-Parti III tal-Kostituzzjoni, l-ebda miżura adottata skond dak il-Kapitolu, l-ebda disposizzjoni ta' kwalunkwe ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni skond dak il-Kapitolu, u l-ebda deċiżjoni tal-Qorti ta' Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea li tinterpreta kwalunkwe disposizzjoni jew miżura ta' din ix-xorta ma għandha torbot jew tapplika għad-Danimarka; u l-ebda disposizzjoni, miżura jew deċiżjoni ta' din ix-xorta ma għandha b'xi mod tolqot il-kompetenzi, d-drittijiet u l-obbligi tad-Danimarka; u l-ebda disposizzjoni, miżura jew deċiżjoni ta' din ix-xorta ma għandha b'xi mod tolqot l-acquis tal-Komunità u lanqas dak ta' l-Unjoni u lanqas tagħmel parti mid-dritt ta' l-Unjoni kif japplikaw għad-Danimarka.

Artikolu 3

Id-Danimarka m'għandha ssofri l-ebda konsegwenzi finanzjarji tal-miżuri previsti fl-Artikolu 1, ħlief għall-ispejjeż amministrattivi involuti għall-istituzzjonijiet.

Artikolu 4

1.   Id-Danimarka għandha tiddeċiedi fi żmien sitt xhur wara l-adozzjoni ta' miżura tal-Kunsill li tibni fuq l-acquis ta' Schengen koperta mill-Parti I, jekk tkunx se timplimenta din il-miżura fil-liġi nazzjonali tagħha. Jekk tiddeċiedi li tagħmel hekk, din il-miżura toħloq obbligu skond id-dritt internazzjonali bejn id-Danimarka u l-Istati Membri l-oħra li jkunu marbuta bil-miżura.

Jekk id-Danimarka tiddeċiedi li ma timplimentax din il-miżura, l-Istati Membri marbuta b'dik il-miżura u d-Danimarka għandhom jikkunsidraw x'miżuri approprjati għandhom jittieħdu.

2.   Id-Danimarka għandha żżomm id-drittijiet u l-obbligi eżistenti qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa fir-rigward tal-acquis ta' Schengen.

PARTI II

Artikolu 5

Fir-rigward tal-miżuri adottati mill-Kunsill skond l-Artikoli I-41, III-295(1) u l-Artikoli III-309 sa III-313 tal-Kostituzzjoni, d-Danimarka ma tipparteċipax fl-elaborazzjoni u l-implimentazzjoni ta' deċiżjonijiet u azzjonijiet ta' l-Unjoni li għandhom implikazzjonijiet fil-qasam tad-difiża. Għaldaqstant id-Danimarka m'għandhiex tipparteċipa fl-adozzjoni tagħhom. Id-Danimarka m'għandhiex iżżomm lill-Istati Membri l-oħra milli jiżviluppaw iżjed il-koperazzjoni ta' bejniethom f'dan il-qasam. Id-Danimarka ma għandhiex tiġi obbligata tikkontribwixxi għall-iffinanzjar ta' l-ispiża operattiva li tinħoloq minn dawn il-miżuri, u lanqas li tagħmel il-kapaċitajiet militari tagħha disponibbli lill-Unjoni.

L-unanimità tal-membri tal-Kunsill, bl-eċċezzjoni tar-rappreżentant tal-gvern tar-Renju tad-Danimarka, għandha tkun meħtieġa għall-atti tal-Kunsill li jridu jiġu adottati b'mod unanimu.

Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita bħala li hija ugwali għal mill-inqas 55 % tal-Membri tal-Kunsill, li jirrappreżentaw lill-Istati Membri parteċipanti li flimkien jinkludu mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni ta' dawn l-Istati.

Minoranza li timblokka għandha tinkludi mill-inqas in-numru minimu ta' membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw iktar minn 35 % tal-popolazzjoni ta' l-Istati Membri parteċipanti, u membru ieħor, u fin-nuqqas ta' dan, il-maġġoranza kwalifikata tkun meqjusa li nkisbet.

B'deroga mit-tielet u r-raba' subparagrafi, meta l-Kunsill ma jkunx qed jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni, l-maġġoranza kwalifikata rekwiżita għandha tkun definita bħala li hija ugwali għal mill-inqas 72 % tal-membri tal-Kunsill li jirrapreżentaw l-Istati Membri parteċipanti, li flimkien jinkludu mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni ta' dawn l-Istati.

PARTI III

Artikolu 6

Dan il-Protokoll għandu japplika wkoll għall-miżuri li jibqgħu fis-seħħ permezz ta' l-Artikolu IV-438 tal-Kostituzzjoni, li kienu koperti, qabel id-dħul fis-seħħ tal-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropea, mill-Protokoll dwar il-posizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Artikolu 7

L-Artikoli 1, 2 u 3 ma għandhomx japplikaw għal miżuri li jistabbilixxu l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom irid ikollhom viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni ta' l-Istati Membri, jew għal miżuri dwar il-format uniformi għall-viża.

PARTI IV

Artikolu 8

Fi kwalunkwe żmien id-Danimarka tista', skond ir-rekwiżiti kostituzzjonali tagħha, tinforma l-Istati Membri l-oħrajn li ma tixtieqx aktar tibbenefika minn parti jew mill-intier ta' dan il-Protokoll. F'dak il-każ, id-Danimarka tapplika bis-sħiħ il-miżuri kollha rilevanti li jkunu fis-seħħ u li ttieħdu fil-qafas ta' l-Unjoni.

Artikolu 9

1.   Fi kwalunkwe ħin u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8, id-Danimarka tista', skond ir-rekwiżiti kostituzzjonali tagħha, tinnotifika lill-Istati Membri l-oħra li b'effett mill-ewwel ġurnata tax-xahar ta' wara n-notifika, l-Parti I għandha tkun magħmula mid-disposizzjonijiet ta' l-Anness. F'dan il-każ u b'konsegwenza ta' dan, l-Artikolu 5 sa 9 jingħataw numri ġodda.

2.   Sitt xhur wara d-data li fiha tidħol fis-seħħ in-notifika prevista fil-pragrafu 1 l-acquis kollu ta' Schengen kif ukoll il-miżuri adottati sabiex jibnu fuq dan l-acquis, li sa dak iż-żmien kienu jorbtu lid-Danimarka bħala obbligi taħt id-dritt internazzjonali, għandhom jorbtu lid-Danimarka bħala liġi ta' l-Unjoni.

ANNESS

Artikolu 1

Bla ħsara għall-Artikolu 3, id-Danimarka ma għandhiex tieħu sehem fl-adozzjoni mill-Kunsill ta' miżuri proposti skond il-Kapitolu IV tat-Titolu tal-Parti III tal-Kostituzzjoni. L-unanimità tal-membri tal-Kunsill, bl-eċċezzjoni tar-rappreżentant tal-gvern Daniż, għandha tkun meħtieġa għall-atti tal-Kunsill li jridu jiġu adottati b'mod unanimu.

Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita bħala li hija ugwali għal mill-inqas 55 % tal-Membri tal-Kunsill, li jirrappreżentaw lill-Istati Membri parteċipanti li flimkien jinkludu mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni ta' dawn l-Istati.

Minoranza li timblokka għandha tinkludi mill-inqas in-numru minimu ta' membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw iktar minn 35 % tal-popolazzjoni ta' l-Istati Membri parteċipanti, u membru ieħor, u fin-nuqqas ta' dan, il-maġġoranza kwalifikata tkun meqjusa li nkisbet.

B'deroga mit-tieni u t-tielet subparagrafi, meta l-Kunsill ma jkunx qed jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni, l-maġġoranza kwalifikata rekwiżita għandha tkun definita bħala li hija ugwali għal mill-inqas 72 % tal-membri tal-Kunsill li jirrapreżentaw l-Istati Membri parteċipanti, li flimkien jinkludu mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni ta' dawn l-Istati.

Artikolu 2

B'konsegwenza ta' l-Artikolu 1 u bla ħsara għall-Artikoli 3, 4 u 6 l-ebda waħda mid-disposizzjonijiet tal-Kapitolu IV tat-Titolu tal-Parti III tal-Kostituzzjoni, l-ebda miżura adottata skond dak il-Kapitolu, l-ebda disposizzjoni ta' kwalunkwe ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni skond dak il-Kapitolu, u l-ebda deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea li tinterpreta kwalunkwe deċiżjoni jew miżura ta' din ix-xorta ma għandha torbot jew tapplika għad-Danimarka; u l-ebda disposizzjoni, miżura jew deċiżjoni ta' din ix-xorta ma għandha b'kwalunkwe mod tolqot il-kompetenzi, d-drittijiet u l-obbligi tad-Danimarka; u l-ebda disposizzjoni, miżura jew deċiżjoni ta' din ix-xorta ma għandha b'xi mod tolqot l-acquis communautaire u ta' l-Unjoni u lanqas tagħmel parti mid-dritt ta' l-Unjoni, kif japplikaw għad-Danimarka.

Artikolu 3

1.   Id-Danimarka tista' tinnotifika lill-President tal-Kunsill bil-miktub, fi żmien tliet xhur wara li proposta jew inizjattiva tkun ġiet preżentata lill-Kunsill skond il-Kapitolu IV tat-Titolu tal-Parti III tal-Kostituzzjoni, li tixtieq tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' kwalunkwe tali miżura proposta, u minn dak il-ħin id-Danimarka ikollha d-dritt li tagħmel hekk.

2.   Jekk, fi żmien raġonevoli, miżura prevista fil-paragrafu 1 ma tistax tiġi adottata bil-parteċipazzjoni tad-Danimarka, l-Kunsill jista' jadotta l-miżura prevista fil-paragrafu 1 skond l-Artikolu 1, mingħajr il-parteċipazzjoni tad-Danimarka. F'dak il-każ, għandu japplika l-Artikolu 2.

Artikolu 4

Id-Danimarka tista' fi kwalunkwe ħin wara l-adozzjoni ta' miżura skond il-Parti III, t-Titolu III, l-Kapitolu IV tal-Kostituzzjoni tinnotifika lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħha li taċċetta dik il-miżura. F'dak il-każ, il-proċedura prevista fl-Artikolu III-420(1) tal-Kostituzzjoni għandha tapplika mutatis mutandis.

Artikolu 5

1.   Notifika skond l-Artikolu 4 għandha tiġi sottomessa mhux aktar tard minn 6 xhur wara l-adozzjoni finali ta' miżura jekk din il-miżura tibni fuq l-acquis ta' Schengen.

Fil-każ li d-Danimarka ma tissottomettix notifika skond l-Artikoli 3 u 4 dwar miżura li tibni fuq l-acquis ta' Schengen, l-Istati Membri marbuta minnha u d-Danimarka għandhom jikkunsidraw il-miżuri xierqa li għandhom jittieħdu.

2.   Notifika skond l-Artikoli 3 fir-rigward ta' miżuri li jibnu fuq l-acquis ta' Schengen għandha tiġi kkunsidrata irrevokabbilment bħala notifika skond l-Artikolu 3 fir-rigward ta' kwalunkwe proposta jew inizjattiva ulterjuri li timmira biex tibni fuq dik il-miżura, sakemm tali proposta jew inizjattiva tibni fuq l-acquis ta' Schengen.

Artikolu 6

Fejn, f'każijiet previsti f'din il-Parti, d-Danimarka hi marbuta b'miżura adottata mill-Kunsill skond Kapitolu IV tat-Titolu tal-Parti III tal-Kostituzzjoni, d-disposizzjonijiet rilevanti tal-Kostituzzjoni għandhom japplikaw għad-Danimarka fir-rigward ta' dik il-miżura.

Artikolu 7

Fejn id-Danimarka mhix marbuta b'miżura adottata skond il-Parti III, t-Titolu III, l-Kapitolu IV tal-Kostituzzjoni, ma għandha ssofri l-ebda konsegwenzi finanzjari ta' dik il-miżura ħlief għall-ispejjeż amministrattivi involuti għall-istituzzjonijiet sakemm il-Kunsill b'mod unanimu, wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew ma jiddeċiedix mod ieħor.

21.   

PROTOKOLL DWAR IR-RELAZZJONIJIET ESTERNI TA' L-ISTATI MEMBRI FIR-RIGWARD TAL-QSIM TA' FRUNTIERI ESTERNI

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW il-bżonn ta' l-Istati Membri li jiżguraw kontrolli effikaċi mal-fruntieri esterni tagħhom, bil-koperazzjoni ma' pajjiżi terzi meta jkun l-każ,

FTEHMU fuq id-disposizzjonijiet li ġejjin, li għandhom jiġu annessi mat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa:

Artikolu uniku

Id-disposizzjonijiet fir-rigward tal-miżuri dwar il-qsim tal-fruntieri esterni inklużi fl-Artikolu III-265 (2)(b) tal-Kostituzzjoni għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-kompetenza ta' l-Istati Membri li jinnegozjaw jew jikkonkludu ftehim ma' pajjiżi terzi sakemm dawn jirrispettaw id-dritt ta' l-Unjoni u ftehim internazzjonali pertinenti.

22.   

PROTOKOLL DWAR L-ASIL GĦAL ĊITTADINI TA' STATI MEMBRI

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

BILLI, skond l-Artikolu I-9(1) tal-Kostituzzjoni, l-Unjoni tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji dikjarati fil-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali;

BILLI skond l-Artikolu I-9(3) tal-Kostituzzjoni d-drittijiet fundamentali, kif garantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, jikkostitwixxu parti mid-dritt ta' l-Unjoni bħala prinċipji ġenerali;

BILLI l-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea għandha l-kompetenza biex tiżgura li l-liġi tkun osservata mill-Unjoni fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu I-9(1) u (3) tal-Kostituzzjoni;

BILLI skond l-Artikolu I-58 tal-Kostituzzjoni kull Stat Ewropew, meta japplika biex isir Membru ta' l-Unjoni, għandu jirrispetta l-valuri previsti fl-Artikolu I-2 tal-Kostituzzjoni;

KONXJI li l-Artikolu I-59 tal-Kostituzzjoni jistabbilixxi mekkaniżmu għas-sospensjoni ta' ċerti drittijiet f'każ ta' ksur serju u persistenti minn Stat Membru ta' dawk il-valuri;

FILWAQT LI JFAKKRU illi kull ċittadin ta' Stat Membru, bħala ċittadin ta' l-Unjoni, jgawdi minn status u protezzjoni speċjali li għandhom ikunu garantiti mill-Istati Membri skond id-disposizzjonijiet tal-Parti I, t-Titolu II u tal-Parti III, t-Titolu II tal-tal-Kostituzzjoni;

KONXJI LI l-Kostituzzjoni tistabbilixxi żona mingħajr fruntieri interni u tagħti lil kull ċittadin ta' l-Unjoni d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju ta' l-Istati Membri;

BIX-XEWQA li jevitaw li wieħed jirrikorri għall-istituzzjoni dwar l-asil għal skopijiet ulterjuri minn dawk li għalihom din hi intiża;

BILLI dan il-Protokoll jirrispetta l-finalità u l-miri tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra tat-28 ta' Lulju 1951 li jirrigwardaw l-istatus ta' refuġjati,

FTEHMU dwar id-disposizzjonijiet li ġejjin, li għandhom jiġu annessi mat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa:

Artikolu uniku

Minħabba l-livell ta' protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali mill-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri għandhom jiġu meqjusa li jikkostitwixxu pajjiżi ta' oriġini siguri fir-rispett ta' xulxin għall-iskopijiet kollha legali u prattiċi fir-rigward ta' kwistjonijiet dwar l-asil. Għal dan l-iskop, kull applikazzjoni għall-asil magħmula minn ċittadin ta' Stat Membru tista' tiġi kkunsidrata jew iddikjarata ammissibbli biex tiġi pproċessata minn Stat Membru ieħor fil-każijiet li ġejjin biss:

a)

jekk Stat Membru li tiegħu l-applikant ikun ċittadin, waqt li jirrikorri għad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, jieħu miżuri fit-territorju tiegħu li jidderogaw mill-obbligi tiegħu taħt dik il-Konvenzjoni;

b)

jekk il-proċedura prevista fl-Artikolu I-59(1) jew (2) tal-Kostituzzjoni tkun inbdiet, u sakemm il-Kunsill, jew, jekk ikun il-każ, il-Kunsill Ewropew, jadotta deċiżjoni Ewropea dwarha fir-rigward ta' l-Istat Membru li tiegħu l-applikant ikun ċittadin;

ċ)

jekk il-Kunsill ikun adotta deċiżjoni Ewropea skond l-Artikolu I-59(1) tal-Kostituzzjoni fir-rigward ta' l-Istat Membru li tiegħu l-applikant ikun ċittadin jew jekk il-Kunsill Ewropew ikun adotta deċiżjoni Ewropea skond l-Artikolu I-59(2) tal-Kostituzzjoni fir-rigward ta' l-Istat Membru li tiegħu l-applikant ikun ċittadin;

d)

jekk Stat Membru jiddeċiedi hekk unilateralment fir-rigward ta' l-applikazzjoni minn ċittadin ta' Stat Membru ieħor; f'dak il-każ il-Kunsill għandu jiġi infurmat minnufih; l-applikazzjoni għandha tiġi trattata fuq il-bażi tal-preżunzjoni li tkun evidentement bla bażi mingħajr ma tolqot bl-ebda mod, ikunu x'ikunu l-każijiet, il-poter deċiżjonali ta' l-Istat Membru.

23.   

PROTOKOLL DWAR IL-KOPERAZZJONI STRUTTURATA PERMANENTI STABBILITA BL-ARTIKOLU I-41(6) U BL-ARTIKOLU III-312 TAL-KOSTITUZZJONI

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

WARA li kkunsidraw l-Artikoli I-41(6) u III-312 tal-Kostituzzjoni,

FILWAQT LI JFAKKRU li l-Unjoni qed tfittex politika estera u ta' sigurtà komuni msejsa fuq il-kisba ta' konverġenza dejjem akbar ta' azzjoni mill-Istati Membri;

FILWAQT LI JFAKKRU li l-politika ta' sigurta u difiża komuni hi parti integra mill-politika estera u ta' sigurtà komuni; li tipprovdi l-Unjoni b'kapaċità operazzjonali li tieħu mill-assi ċivili u militari; li l-Unjoni tista' tuża' dawn l-assi fil-kompiti previsti fl-Artikolu III-309 tal-Kostituzzjoni barra l-Unjoni għaż-żamma tal-paċi, għall-prevenzjoni tal-kunflitt u għat-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali skond il-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti; li t-twettiq ta' dawn il-kompiti jsir billi jintużaw l-kapaċitajiet provduti mill-Istati Membri skond il-prinċipju ta' “ġabra waħda ta' forzi”;

FILWAQT LI JFAKKRU li l-politika ta' sigurtà u difiża komuni ta' l-Unjoni ma tippreġudikax il-karattru speċifiku tal-politika ta' sigurtà u difiża ta' ċerti Stati Membri;

FILWAQT LI JFAKKRU li l-politika ta' sigurtà u difiża komuni ta' l-Unjoni tirrispetta l-obbligi taħt it-Trattat tan-Nord Atlantiku ta' dawk l-Istati Membri, li jqisu d-difiża komuni tagħhom mwettqa fl-Organizzazzjoni tat-Trattat tan-Nord Atlantiku, li tibqa' s-sisien tad-difiża kollettiva tal-membri tagħha, u hija kompatibbli mal-politika ta' sigurtà u difiża komuni stabbilita f'dak il-qafas;

KONVINTI li rwol aktar assertiv ta' l-Unjoni fl-oqsma tas-sigurtà u tad-difiża ser jikkontribwixxi għall-vitalità ta' Alleanza Atlantika mġedda, skond l-arranġamenti tal-“Berlin Plus”.

DETERMINATI li jassiguraw li l-Unjoni tkun kapaċi tassumi b'mod sħiħ ir-responsabbiltajiet tagħha fi ħdan il-komunità internazzjonali;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tista' titlob l-għajnuna ta' l-Unjoni għall-implimentazzjoni urġenti ta' missjonijiet mibdija skond il-Kapitoli VI u VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li sabiex tissaħħaħ il-politika ta' sigurtà u difiza hemm bżonn sforzi mill-Istati Membri fil-qasam tal-kapaċitajiet;

KONXJI li sabiex jgħaddu għal stadju ġdid fl-iżvilupp tal-politika tas-sigurtà u d-difiża Ewropea hemm bżonn ta' sforz determinat mill-Istati Membri kkonċernati;

FILWAQT LI JFAKKRU l-importanza li l-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni jkun involut b'mod sħiħ fil-proċeduri li għandhom x'jaqsmu ma' koperazzjoni strutturata permanenti,

FTEHMU dwar id-disposizzjonijiet li ġejjin, li għandhom jiġu annessi mat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa:

Artikolu 1

L-istruttura permanenti ta' koperazzjoni prevista fl-Artikolu I-41(6) tal-Kostituzzjoni għandha tkun miftuħa għal kull Stat Membru li jobbliga ruħu, mid-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa, li:

a)

jipproċedi b'mod aktar intensiv sabiex jiżviluppa l-kapaċitajiet tad-difiża tiegħu, permezz ta' l-iżvilupp tal-kontribuzzjonijiet nazzjonali u l-parteċipazzjoni tiegħu, fejn xieraq, fil-forzi multinazzjonali, fil-programmi prinċipali Ewropej tat-tagħmir, u fl-attività ta' l-aġenzija Ewropea fil-qasam ta' l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tad-difiża, tar-riċerka, ta' l-akkwist u ta' l-armamenti (“L-Aġenzija tad-Difiża Ewropea”), u

b)

jkollu l-kapaċità li jforni sa mhux aktar tard mill-2007, jew f'livell nazzjonali jew bħala parti minn forza multinazzjonali gruppi, unitajiet tal-ġlied immirati għall-missjonijiet ippjanati, strutturati fuq il-livell tattiku bħala gruppi ta' ġlied, b'elementi ta' support bħal trasport u loġistika, kapaċi li jwettqu l-kompiti previsti fl-Artikolu III-309 f'perijodu ta' minn 5 sa 30 jum, b'mod partikolari b'risposta għal talbiet mill-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, u li jkunu jistgħu jiġu sostenuti għal perijodu inizjali ta' 30 jum li jkun jista' jiġi mtawwal għal ta' l-inqas 120 jum.

Artikolu 2

Sabiex jinkisbu l-miri stipulati fl-Artikolu 1, l-Istati Membri li jipparteċipaw fil-koperazzjoni strutturata permanenti għandhom jobbligaw ruħhom li:

a)

jikkoperaw, sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa, bl-iskop li jinkisbu l-miri approvati dwar il-livell ta' spiża għall-investiment f'tagħmir ta' difiża, u jirrivedu dawn il-miri regolarment fid-dawl ta' l-ambjent ta' sigurtà u tar-responsabbiltajiet internazzjonali ta' l-Unjoni;

b)

kemm jista' jkun jallinjaw l-apparat tad-difiża tagħhom ma' xulxin, b'mod partikolari billi jarmonizzaw l-identifikazzjoni tal-ħtiġiet militari tagħhom, billi jiġbru flimkien u, fejn xieraq, jispeċjalizzaw il-mezzi u l-kapaċitajiet tad-difiża tagħhom, u billi jinkoraġġixxu l-koperazzjoni fl-oqsma tat-taħriġ u l-loġistika;

ċ)

jieħdu miżuri konkreti sabiex itejbu d-disponibbiltà, l-interoperabbiltà, il-flessibiltà u l-kapaċita tagħhom fit-tħejjija tal-forzi tagħhom, b'mod partikolari billi jidentifikaw il-miri komuni fl-impenn ta' forzi, inkluż possibilment reviżjoni tal-proċeduri deċiżjonali nazzjonali tagħhom;

d)

jaħdmu flimkien sabiex jiżguraw li huma jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jagħmlu tajjeb, inkluż permezz ta' approċċi multinazzjonali, u mingħajr preġudizzju għall-impenji f'dan ir-rigward fi ħdan l-Organizzazzjoni tat-Trattat tan-Nord Atlantiku, għan-nuqqasijiet perċepiti fil-qafas tal-“Mekkaniżmu ta' l-Iżvilupp tal-Kapaċità”;

e)

jieħdu sehem, fejn xieraq, fl-iżvilupp ta' programmi kbar konġunti jew Ewropej dwar tagħmir fil-qafas ta' l-Aġenzija tad-Difiża Ewropea.

Artikolu 3

L-Aġenzija tad-Difiża Ewropea għandha tikkontribwixxi għall-istima regolari tal-kontribuzzjonijiet ta' l-Istati Membri parteċipanti fir-rigward tal-kapaċitajiet, b'mod partikolari kontribuzzjonijiet magħmula skond il-kriterji li jridu jiġu stabbiliti fost affarijiet oħra abbażi ta' l-Artikolu 2, u għandha tirrapporta dwarhom ta' l-inqas darba fis-sena. L-istima għandha sservi bħala bażi għal rakkomandazzjonijiet u deċiżjonijiet Ewropej tal-Kunsill adottati skond l-Artikolu III-312 tal-Kostituzzjoni.

24.   

PROTOKOLL DWAR L-ARTIKOLU I-41(2), TAL-KOSTITUZZJONI

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

KONXJI tal-bżonn li d-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu I-41(2) tal-Kostituzzjoni jiġu mplimentati bis-sħiħ;

KONXJI li l-politika ta' l-Unjoni skond l-Artikolu I-41(2) tal-Kostituzzjoni m'għandhiex tippreġudika l-karattru speċifiku tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża ta' ċerti Stati Membri u għandha tirrispetta l-obbligi ta' ċerti Stati Membri, li jaraw id-difiża komuni tagħhom mwettqa fl-Organizzazzjoni tat-Trattat tan-Nord Atlantiku, taħt it-Trattat tan-Nord Atlantiku u għandha tkun kompatibbli mal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni stabbilita f'dak il-kwadru,

FTEHMU dwar id-disposizzjoni li ġejja, li hija annessa mat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa:

Artikolu uniku

L-Unjoni għandha tfassal, flimkien ma' l-Unjoni Ewropea tal-Punent, arranġamenti li jistabbilixxu koperazzjoni msaħħa bejniethom.

25.   

PROTOKOLL DWAR IMPORTAZZJONIJIET FL-UNJONI EWROPEA TA' PRODOTTI TAŻ-ŻEJT RAFFINATI FL-ANTILLES OLANDIŻI

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

BIX-XEWQA li jagħtu aktar dettalji dwar is-sistema tal-kummerċ applikabbli għall-importazzjoni fl-Unjoni ta' prodotti taż-żejt raffinati fl-Antilles Olandiżi,

FTEHMU dwar id-disposizzjonijiet li ġejjin, li għandhom jiġu annessi mat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa:

Artikolu 1

Dan il-Protokoll japplika għall-prodotti taż-żejt li jaqgħu taħt in-Nomenklatura Maqgħuda numri 27.10, 27.11, 27.12 (xama' tal-pitrolju u xama' taż-żejt), ex 27.13 (fdal tal-pitrolju) u 27.14 (xama' tal-ġebla sedimentari), impurtati għall-użu fl-Istati Membri.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jintrabtu li jagħtu lill-prodotti taż-żejt raffinati fl-Antilles Olandiżi t-tariffi preferenzjali li jirriżultaw mill-Assoċjazzjoni ta' dawn ta' l-aħħar ma' l-Unjoni, bil-kondizzjonijiet previsti minn dan il-Protokoll. Dawn id-disposizzjonijiet jorbtu jkunu x'ikunu r-regoli ta' l-oriġini applikati mill-Istati Membri.

Artikolu 3

1.   Meta l-Kummissjoni, fuq talba ta' Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tagħha, tistabbilixxi li l-importazzjoni fl-Unjoni ta' prodotti taż-żejt raffinati fl-Antilles Olandiżi taħt is-sistema prevista fl-Artikolu 2 qed toħloq diffikultajiet veri fis-suq ta' Stat Membru jew Stati Membri, hija għandha tadotta deċiżjoni Ewropea li tistabbilixxi li d-dazji doganali fuq dawn il-prodotti impurtati għandhom jiġu introdotti, miżjuda jew introdotti mill-ġdid mill-Istati Membri in kwistjoni, safejn u għal perjodu li jista' jkun meħtieġ biex jilqgħu għal dik is-sitwazzjoni. Ir-rati tad-dazji doganali hekk introdotti, miżjuda jew introdotti mill-ġdid ma jistgħux jeċċedu d-dazji doganali applikabbli għal pajjiżi terzi għal dawn l-istess prodotti.

2.   Fi kwalunkwe każ id-disposizzjonijiet tal-paragrafu 1 jistgħu jkunu applikabbli meta l-importazzjoni fl-Unjoni ta' prodotti taż-żejt raffinati fl-Antilles Olandiżi tilħaq iż-żewġ miljuni tunnellati metriċi fis-sena.

3.   Il-Kunsill għandu jiġi infurmat dwar deċiżjonijiet Ewropej adottati mill-Kummissjoni skond il-paragrafi 1 u 2, inklużi dawk li jirrifjutaw it-talba ta' Stat Membru. Il-Kunsill għandu, fuq talba ta' kwalunkwe Stat Membru, jassumi r-responsabbiltà għall-materja u jista' fi kwalunkwe żmien jadotta deċiżjoni Ewropea biex jemenda jew iħassar dawn id-deċiżjonijiet.

Artikolu 4

1.   Jekk Stat Membru jikkunsidra li l-importazzjoni ta' prodotti taż-żejt raffinati fl-Antilles Olandiżi, magħmula direttament jew permezz ta' Stat Membru ieħor taħt is-sistema prevista fl-Artikolu 2, qed toħloq diffikultajiet veri fis-suq tiegħu u li teħtieġ azzjoni immedjata biex tilqgħalhom, jista' fuq inizjattiva tiegħu stess japplika dazji doganali, li r-rata tagħom ma tistax teċċedi dik ta' dazji doganali applikabbli għal pajjiżi terzi fuq l-istess prodotti, fuq dawn il-prodotti impurtati. Għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tiegħu, u l-Kummissjoni għandha, fi żmien xahar tadotta deċiżjoni Ewropea li tistabbilixxi jekk il-miżuri meħuda mill-Istat għandhomx jinżammu jew jiġu emendati jew jiġu imħassra. L-Artikolu 3(3) għandu japplika għal din id-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

2.   Meta l-kwantitajiet tal-prodotti taż-żejt raffinati fl-Antilles Olandiżi impurtati direttament jew permezz ta' Stat Membru ieħor, taħt is-sistema prevista fl-Artikolu 2, fi Stat Membru jew Stati Membri jaqbżu matul sena kalendarja l-ammont ta' tunnellati metriċi mogħtija fl-Anness għal dan il-Protokoll, il-miżuri meħuda skond il-paragrafu 1 minn dak jew dawk l-Istati Membri għas-sena kurrenti jkunu meqjusa ġustifikati. Il-Kummissjoni għandha, wara li tassigura li l-ammont stabbilit ta' tunnellati metriċi intlaħaq, tirreġistra formalment il-miżuri meħuda. F'dan il-każ l-Istati Membri l-oħra m'għandhomx iressqu l-materja formalment quddiem il-Kunsill.

Artikolu 5

Jekk l-Unjoni tiddeċiedi li tapplika restrizzjonijiet kwantitattivi fuq il-prodotti taż-żejt, tkun xi tkun il-provenjenza tagħhom, dawn ir-restrizzjonijiet jistgħu wkoll japplikaw għal prodotti simili impurtati mill-Antilles Olandiżi. F'dan il-każ trattament preferenzjali għandu jingħata lill-Antilles Olandiżi meta mqabbla ma' pajjiżi terzi.

Artikolu 6

1.   L-Artikoli 2 sa 5 jistgħu jiġu riveduti mill-Kunsill, b'deċiżjoni unanima, wara li jkun ikkonsulta l-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni, meta tiġi adottata definizzjoni komuni ta' oriġini għal prodotti taż-żejt minn pajjiżi terzi u pajjiżi Assoċjati, jew meta jittieħdu deċiżjonijiet fil-qafas ta' politika kummerċjali komuni għall-prodotti in kwistjoni jew meta tiġi stabbilita politika komuni dwar l-enerġija.

2.   Madankollu, meta ssir din ir-reviżjoni, preferenzi ekwivalenti għandhom f'kull każ jinżammu favur l-Antilles Olandiżi f'forma xierqa u għal kwantità minima ta' żewġ miljuni u nofs tunnellati metriċi ta' prodotti taż-żejt.

3.   L-impenji ta' l-Unjoni għar-rigward ta' preferenzi ekwivalenti kif previsti fil-paragrafu 2 jistgħu, jekk meħtieġ, jiġu mqassma Stat Stat waqt li jitqies l-ammont tat-tunnellati metriċi indikat fl-Anness għal dan il-Protokoll.

Artikolu 7

Biex timplimenta dan il-Protokoll, il-Kummissjoni hija responsabbli li ssewgi l-iżvilupp ta' l-importazzjoni fl-Istati Membri ta' prodotti taż-żejt raffinati fl-Antilles Olandiżi. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni kull informazzjoni utli għal dak il-għan skond il-kondizzjonijiet amministrattivi rakkomandati mill-Kummissjoni, li għandha tassigura li din l-informazzjoni tiġi ċirkolata.

ANNESS

Għall-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 4(2), il-Partijiet Kontraenti Għolja ddeċidew li l-kwantità ta' 2 miljuni tunnellati metriċi ta' prodotti taż-żejt mill-Antilles għandhom jiġu allokati bejn l-Istati Membri li ġejjin kif ġej:

il-Ġermanja

625 000 tunnellati metriċi

l-Unjoni Ekonomika tal-Belġju u l-Lussemburgu

200 000 tunnellati metriċi

Franza

75 000 tunnellati metriċi

l-Italja

100 000 tunnellati metriċi

l-Olanda….

1 000 000 tunnellati metriċi

26.   

PROTOKOLL DWAR L-AKKWIST TA' PROPRJETÀ FID-DANIMARKA

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

BIX-XEWQA li jsolvu ċertu problemi partikolari li għandhom x'jaqsmu mad-Danimarka,

FTEHMU dwar id-disposizzjoni li ġejja, li għandha tiġi annessa mat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa:

Artikolu uniku

Minkejja d-disposizzjonijiet tal-Kostituzzjoni, d-Danimarka tista' żżomm il-leġislazzjoni eżistenti dwar l-akkwist ta' residenzi sekondarji.

27.   

PROTOKOLL DWAR IS-SISTEMA TAX-XANDIR PUBBLIKU FL-ISTATI MEMBRI

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li s-sistema tax-xandir pubbliku fl-Istati Membri hi direttament relatata mal-bżonnijiet demokratiċi, soċjali u kulturali ta' kull soċjetà u mal-bżonn biex jiġi ppreservat il-pluraliżmu fil-medja,

FTEHMU dwar id-disposizzjonijiet interpretattivi li ġejjin, li għandhom jiġu annessi mat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa:

Artikolu uniku

Id-disposizzjonijiet tal-Kostituzzjoni għandhom ikunu bla preġudizzju għall-kompetenza ta' l-Istati Membri li jipprovdu għall-finanzjament tas-servizz pubbliku tax-xandir safejn dan il-finanzjament jingħata lil organizzazzjonijiet tax-xandir għat-twettiq tal-mandat tas-servizz pubbliku kif konferit, definit u organizzat minn kull Stat Membru, u safejn dan il-finanzjament ma jolqotx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ u tal-kompetizzjoni fl-Unjoni tant li jkollu effett kuntrarju għall-interess komuni, filwaqt li t-twettiq tal-mandat ta' dak is-servizz pubbliku għandu jittieħed in konsiderazzjoni.

28.   

PROTOKOLL DWAR L-ARTIKOLU III-214 TAL-KOSTITUZZJONI

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

FTEHMU dwar id-disposizzjoni li ġejja, li għandha tiġi annessa mat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa:

Artikolu uniku

Għall-fini ta' l-Artikolu III-214 tal-Kostituzzjoni, l-benefiċċji taħt skemi ta' sigurtà soċjali in konnessjoni max-xogħol, ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala remunerazzjoni jekk u sakemm jistgħu jiġu attribwiti għal perijodi ta' xogħol li ġew qabel is-17 ta' Mejju 1990, ħlief fil-każ ta' ħaddiema jew ta' dawk li jagħmlu talba taħthom u li qabel dik id-data jkunu bdew proċeduri legali jew introduċew talba ekwivalenti taħt il-liġi nazzjonali li tkun tapplika.

29.   

PROTOKOLL DWAR IL-KOEŻJONI EKONOMIKA, SOĊJALI U TERRITORJALI

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

FILWAQT LI JFAKKRU illi l-Artikolu I-3 tal-Kostituzzjoni jinkludi l-mira li l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri jkunu promossi u li din il-koeżjoni tidher fost l-oqsma ta' kompetenza kondiviża ta' l-Unjoni elenkati fl-Artikolu I-14(2)(ċ) tal-Kostituzzjoni;

FILWAQT LI JFAKKRU li d-disposizzjonijiet tas-Sezzjoni 3, il-Parti III, t-Titolu III, l-Kapitolu III tal-Kostituzzjoni, dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali meħuda flimkien jipprovdu l-bażi ġuridika għall-konsolidizzazjoni u l-iżvilupp ulterjuri ta' l-azzjoni ta' l-Unjoni f'dan il-qasam, u b'mod partikolari l-ħolqien ta' fond;

FILWAQT LI JFAKKRU li l-Artikolu III-223 tal-Kostituzzjoni jipprevedi l-istabbiliment ta' Fond ta' Koeżjoni;

FILWAQT LI JINNOTAW illi l-Bank ta' l-Investiment Ewropew qiegħed jislef ammonti kbar u li dejjem qed jiżdiedu, għall-ġid ta' l-ifqar reġjuni;

FILWAQT LI JINNOTAW ix-xewqa għal aktar flessibilità fl-arranġamenti għall-allokazzjonijiet mill-Fondi Strutturali;

FILWAQT LI JINNOTAW ix-xewqa għall-modulazzjoni tal-livelli ta' parteċipazzjoni ta' l-Unjoni fi programmi u proġetti f'ċerti Stati Membri;

FILWAQT LI JINNOTAW il-proposta li tittieħed aktar konsiderazzjoni tal-prosperità relattiva ta' l-Istati Membri fis-sistema tar-riżorsi proprji,

FTEHMU dwar id-disposizzjonijiet li ġejjin, li għandhom jiġu annessi mat-Trattat li jistabblixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa:

Artikolu uniku

1.   L-Istati Membri jaffermaw mill-ġdid li l-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali hija vitali għall-iżvilupp sħiħ u s-suċċess dejjiemi ta' l-Unjoni.

2.   L-Istati Membri jaffermaw mill-ġdid il-konvinzjoni tagħhom illi l-Fondi Strutturali għandhom ikomplu jkollhom parti konsiderevoli biex jintlaħqu l-miri ta' l-Unjoni fil-qasam tal-koeżjoni.

3.   L-Istati Membri jaffermaw mill-ġdid il-konvinzjoni tagħhom illi l-Bank ta' l-Investiment Ewropew għandu jkompli jiddedika l-maġġoranza tar-riżorsi tiegħu għall-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u jiddikjaraw li huma disposta li jirrevedu l-bżonnijiet kapitali tal-Bank ta' l-Investiment Ewropew malli dan ikun neċessarju għal dak l-iskop.

4.   L-Istati Membri jaqblu li l-Fond ta' Koeżjoni għandu jipprovdi kontribuzzjonijiet finanzjarji ta' l-Unjoni għal proġetti fil-qasam tal-ambjent u r-rettikolati trans-Ewropej fl-Istati Membri b'PGN per capita ta' anqas minn 90 % tal-medja ta' l-Unjoni u li għandhom programm li jwassal għat-twettiq tal-kondizzjoniet ta' konverġenza ekonomika kif stabbiliti fl-Artikolu III-184 tal-Kostituzzjoni.

5.   L-Istati Membri jiddikjaraw l-intenzjoni tagħhom li jħallu marġni ta' flessibilità akbar fl-allokazzjoni ta' finanzi mill-Fondi Strutturali għall-bżonnijiet speċifici mhux koperti mir-regolomenti tal-Fondi Strutturali viġenti.

6.   L-Istati Membri jiddikjaraw li huma disposti li jimmodulaw il-livelli ta' parteċipazzjoni ta' l-Unjoni fil-kuntest ta' programmi u proġetti tal-Fondi Strutturali, bil-ħsieb li jevitaw żidiet eċċessivi fin-nefqa tal-budget fl-Istati Membri l-anqas sinjuri.

7.   L-Istati Membri jirrikonoxxu l-bżonn li l-progress lejn il-kisba tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali jiġi segwit regolarment, u jiddikjaraw id-disponibilità tagħhom li jeżaminaw il-miżuri kollha neċessarji f'dan ir-rigward.

8.   L-Istati Membri jiddikjaraw l-intenzjoni tagħhom li jagħtu aktar każ tal-kapaċità kontributtiva ta' l-Istati Membri individwali fis-sistema tar-riżorsi proprji u li jeżaminaw mezzi biex jikkoreġu, għall-Istati Memebri l-inqas sinjuri, l-elementi rigressivi li jeżistu fis-sistema preżenti tar-riżorsi proprji;

30.   

PROTOKOLL DWAR ARRANĠAMENTI SPEĊJALI GĦALL-GROENLANDJA

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

FTEHMU dwar id-disposizzjonijiet li ġejjin, li għandhom jiġu annessi mat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa:

Artikolu uniku

1.   It-trattament ta' prodotti impurtati fl-Unjoni u li huma soġġetti għall-organizzazzjoni komuni tas-suq tas-sajd u li jiġu mill-Groenlandja, għandu, waqt li jħares il-mekkaniżmi tal-organizzazzjoni tas-suq komuni, jinvolvi eżenzjoni mid-dazji doganali u piżijiet li għandhom effett ekwivalenti u n-nuqqas ta' restrizzjonijiet kwantitativi jew ta' miżuri li għandhom effett ekwivalenti jekk il-possibilitajiet għall-aċċess għal żoni tas-sajd tal-Groenlandja moghtija lill-Unjoni skond ftehim bejn l-Unjoni u l-awtorità responsabbli għall-Groenlandja jissodisfaw lill-Unjoni.

2.   Il-miżuri li għandhom x'jaqsmu mal-arranġamenti ta' importazzjoni tal-prodotti previsti fil-paragrafu (1) għandhom jiġu adottati skond il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu III-231 tal-Kostituzzjoni.

31.   

PROTOKOLL DWAR L-ARTIKOLU 40.3.3 TAL-KOSTITUZZJONI TA' L-IRLANDA

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA

FTEHMU dwar id-disposizzjoni li ġejja, li għandha tkun annessa mat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika:

Artikolu uniku

Xejn fit-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa, jew fit-Trattati jew l-Atti li jimmodifikawh jew jissupplementawh m'għandu jolqot l-applikazzjoni fl-Irlanda ta' l-Artikolu 40.3.3 tal-Kostituzzjoni ta' l-Irlanda.

32.   

PROTOKOLL RIGWARD L-ARTIKOLU I-9 (2) TAL-KOSTITUZZJONI DWAR L-ADEŻJONI TA' L-UNJONI GĦAL-KONVENZJONI EWROPEA GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DRITTIJIET TAL-BNIEDEM U TAL-LIBERTAJIET FUNDAMENTALI

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

FTEHMU dwar id-disposizzjonijiet li ġejjin, li għandhom ikunu annessi mat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa:

Artikolu 1

Il-ftehim dwar l-adeżjoni ta' l-Unjoni għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (minn hawn 'il quddiem imsejħa l-“Konvenzjoni Ewropea”), prevista fl-Artikolu I-9(2) tal-Kostituzzjoni, għandu jirrifletti n-neċessità li jiġu preservati l-karatteristiċi speċifiċi ta' l-Unjoni u tad-dritt ta' l-Unjoni, b'mod partikolari fir-rigward ta':

a)

l-arranġamenti speċifiċi għall-parteċipazzjoni possibbli ta' l-Unjoni fil-korpi ta' kontroll tal-Konvenzjoni Ewropea;

b)

il-mekkaniżmi meħtieġa biex jiġi żgurat li l-proċedimenti minn Stati mhux Membri u applikazzjonijiet individwali jkunu ndirizzati lil Stati Membri u/jew l-Unjoni skond il-każ.

Artikolu 2

Il-ftehim previst fl-Artikolu 1 għandu jiżgura li l-adeżjoni ta' l-Unjoni ma għandhiex tolqot il-kompetenzi tagħha u l-poteri ta' l-istituzzonijiet tagħha. Għandu jiżgura li xejn fih ma jolqot s-sitwazzjoni partikolari ta' Stati Membri fir-rigward tal-Konvenzjoni Ewropea, b'mod partikulari fir-rigward tal-Protokolli tagħha, miżuri meħuda minn Stati Membri li jidderogaw mill-Konvenzjoni Ewropea, skond l-Artikolu 15 tagħha u r-riservi għall-Konvenzjoni Ewropea magħmula minn Stati Membri skond l-Artikolu 57 tagħha.

Artikolu 3

Xejn fil-ftehim previst fl-Artikolu 1 ma għandu jolqot l-Artikolu III-375(2) tal-Kostituzzjoni.

33.   

PROTOKOLL DWAR L-ATTI U T-TRATTATI LI SSUPPLIMENTAW JEW EMENDAW IT-TRATTAT LI JISTABBILIXXI L-KOMUNITÀ EWROPEA U T-TRATTAT DWAR L-UNJONI EWROPEA

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

BILLI l-Artikolu IV-437(1) tal-Kostituzzjoni jħassar t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-atti u t-trattati li ssupplimentawhom jew emendawhom;

BILLI għandha tiġi mħejjija lista ta' l-atti u t-trattati previsti fl-Artikolu IV-437(1);

BILLI s-sustanza ta' l-Artikolu 9(7) tat-Trattat ta' Amsterdam għandha tiġi inkorporata;

FILWAQT LI JFAKKRU li l-Att ta' l-20 ta' Settembru 1976 li jikkonċerna l-elezzjoni ta' rappreżentanti tal-Parlament Ewropew b'vot dirett universali għandu jibqa' fis-seħħ,

FTEHMU dwar id-disposizzjonijiet li ġejjin, li huma annessi mat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika:

Artikolu 1

1.   L-Atti u t-Trattati li ġejjin li ssupplimentaw jew emendaw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea huma hawnhekk imħassra:

a)

il-Protokoll tat-8 ta' April 1965 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej annessi mat-Trattat li jistabbilixxi Kunsill wieħed u Kummissjoni waħda (ĠU L 152, 13.7.1967, p. 13);

b)

it-Trattat tat-22 ta' April 1970 li jemenda ċerti disposizzjonijiet dwar il-budget tat-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej u tat-Trattat li jistabbilixxi Kunsill wieħed u Kummissjoni waħda tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 2, 2.1.1971, p. 1);

ċ)

it-Trattat tat-22 ta' Lulju 1975 li jemenda ċerti disposizzjonijiet finanzjarji tat-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej u tat-Trattat li jistabbilixxi Kunsill wieħed u Kummissjoni waħda tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 359, 31.12.1977, p. 4);

d)

it-Trattat ta' l-10 ta' Lulju 1975 li jemenda ċerti disposizzjonijiet tal-Protokoll dwar l-Istatut tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment (ĠU L 91, 6.4.1978, p. 1);

e)

it-Trattat tat-13 ta' Marzu 1984 li jemenda, fir-rigward tal-Groenlandja, t-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 29, 1.2.1985, p. 1);

f)

l-Att Uniku Ewropew tas-17 ta' Frar 1986 u tat-28 ta' Frar 1986 (ĠU L 169, 29.6.1987, p. 1);

g)

l-Att tal-25 ta' Marzu 1993 li jemenda l-Protokoll dwar l-Istatut tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment, li jagħti s-setgħa lill-Bord tal-Gvernaturi li jistabbilixxi Fond Ewropew ta' l-Investiment (ĠU L 173, 7.7.1994, p. 14);

h)

id-Deċiżjoni 2003/223/KE tal-Kunsill, f'laqgħa ta' Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tal-21 ta' Marzu 2003 dwar emenda għall-Artikolu 10.2 ta' l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 83, 1.4.2003, p. 66).

2.   It-Trattat ta' Amsterdam tat-2 ta' Ottubru 1997 li jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, t-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej u ċerti atti li għandhom x'jaqsmu, qed jiġi b'dan imħassar (ĠU C 340, 10.11.1997, p. 1).

3.   It-Trattat ta' Nizza tas-26 ta' Frar 2001 li jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, t-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej u ċerti atti li għandhom x'jaqsmu qed jiġi b'dan imħassar (ĠU C 80, 10.3.2001, p. 1).

Artikolu 2

1.   Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu III-432 tal-Kostituzzjoni u l-Artikolu 189 tat-Trattat li jistabbilixxu l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, r-rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri għandhom, bi ftehim komuni, jadottaw id-disposizzjonijiet meħtieġa biex jittrattaw ċerti problemi li huma partikolari għall-Gran Dukat tal-Lussemburgu u derivanti mill-ħolqien ta' Kunsill Uniku u Kummissjoni Unika tal-Komunitajiet Ewropej.

2.   L-Att dwar l-elezzjoni tar-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew b'vot dirett universali, anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 76/787/KEFA, KEE, Euratom (ĠU L 278, 8.10.1976, p. 1), kif ikun meta jidħol fis-seħħ it-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa għandu jibqa' fis-seħħ. Sabiex jiġi allinjat mad-disposizzjonijiet tal-Kostituzzjoni, dan l-Att qed jiġi b'dan emendat kif ġej:

a)

L-Artikolu 1(3) għandu jitħassar;

b)

Fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 5(1), il-kelmiet “id-disposizzjonijiet” għandhom jiġu mħassra;

ċ)

Fl-Artikolu 6(2), il-kelmiet “tat-8 ta' April 1965” għandhom jiġu mħassra; u l-kelmiet “Komunitajiet Ewropej” għandhom jiġu sostitwiti bil-kelmiet “Unjoni Ewropea”;

d)

Fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 7(1), il-kelmiet “Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej” għandhom jiġu sostitwiti bil-kelmiet “Kummissjoni Ewropea”;

e)

Fit-tielet inċiż ta' l-Artikolu 7(1), il-frażi “Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej jew tal-Qorti ta' Prim' Istanza” għandha tiġi sostitwita bil-kelmiet “Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea”;

f)

Fil-ħames inċiż ta' l-Artikolu 7(1), il-kelmiet “Qorti ta' l-Awdituri tal-Komunitajiet Ewropej” għandhom jiġu sostitwiti bil-kelmiet “Qorti ta' l-Awdituri”;

g)

Fis-sitt inċiż ta' l-Artikolu 7(1), il-kelmiet “Ombudsman tal-Komunitajiet Ewropej” għandhom jiġu sostitwiti bil-kelmiet “Ombudsman Ewropew”;

h)

Fis-seba' inċiż ta' l-Artikolu 7(1), il-frażi “tal-Komunità Ekonomika Ewropea u tal-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika” għandha tiġi sostitwita bil-kelmiet “ta' l-Unjoni Ewropea”;

i)

Fid-disa' inċiż ta' l-Artikolu 7(1), il-frażi “skond it-Trattati li jistabbilixxu l-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika” għandha tiġi sostitwita bil-frażi “skond it-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika”; u l-kelmiet “tal-Komunitajiet” għandhom jiġu sostitwiti bil-kelmiet “ta' l-Unjoni”;

j)

Fil-ħdax-il inċiż ta' l-Artikolu 7(1), il-frażi “istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej jew tal-korpi speċjalizzati annessi magħhom jew tal-Bank Ċentrali Ewropew” għandhom jiġu sostitwiti bil-kelmiet “korpi jew aġenziji ta' l-Unjoni Ewropea”;

k)

L-inċiżi ta' l-Artikolu 7(1) għandhom isiru l-punti (a) sa (k) rispettivament;

l)

L-inċiżi tat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 7(2) għandhom isiru l-punti (a) u (b) rispettivament;

m)

Fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 11(2), il-kelma “Komunità” għandha tiġi sostitwita bi “Unjoni”; il-kelma “jiddetermina” għandha tiġi sostitwita bil-kelmiet “jadotta deċiżjoni Ewropea li tiddetermina”; u l-kelmiet “subparagrafu preċedenti” għandhom jiġu sostitwiti bil-kelmiet “l-ewwel subparagrafu”;

n)

Fl-Artikolu 11(3), il-kelmiet “mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 139 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea” għandha tiġi sostitwita bil-kelmiet “mingħajr preġudizzju għall-Artikolu III-336 tal-Kostituzzjoni”;

o)

Fl-Artikolu 14, il-kelma “proposta” għandha tiġi sostitwita bil-kelma “inizjattiva”; u l-frażi “jadotta tali miżuri” għandha tiġi sostitwita bil-frażi “jadotta r-regolamenti jew id-deċiżjonijiet Ewropej meħtieġa”.

34.   

PROTOKOLL DWAR ID-DISPOSIZZJONIJIET TRANSITORJI RIGWARD L-ISTITUZZJONIJIET U L-KORPI TA' L-UNJONI

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

BILLI, sabiex tiġi organizzata t-transizzjoni bejn l-Unjoni Ewropea stabbilita bit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea u l-Unjoni Ewropea stabbilita bit-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa li hija s-suċċessur tagħhom, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti disposizzjonijiet transitorji li għandhom japplikaw qabel id-disposizzjonijiet kollha tal-Kostituzzjoni u l-istrumenti meħtieġa għall-implementazzjoni tagħhom ikollhom effett sħiħ,

FTEHMU dwar id-disposizzjonijiet li ġejjin, li għandhom ikunu annessi mat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika:

TITOLU I

DISPOSIZZJONIJIET LI JIRRIGWARDAW IL-PARLAMENT EWROPEW

Artikolu 1

1.   Skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu I-20(2) tal-Kostituzzjoni, l-Kunsill Ewropew għandu jadotta deċiżjoni Ewropea li tiddetermina l-komposizzjoni tal-Parlament Ewropew minn żmien kmieni biżżejjed qabel l-elezzjonijiet parlamentari Ewropej ta' l-2009.

2.   Matul il-leġislatura parlamentari 2004-2009, il-komposizzjoni u n-numru ta' rappreżentanti eletti fil-Parlament Ewropew f'kull Stat Membru għandhom jibqgħu l-istess kif ikunu fid-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa, bin-numru ta' rappreżentanti jkun kif ġej:

il-Belġju

24

ir-Repubblika Ċeka

24

id-Danimarka

14

il-Ġermanja

99

l-Estonja

6

il-Greċja

24

Spanja

54

Franza

78

l-Irlanda

13

l-Italja

78

Ċipru

6

il-Latvja

9

il-Litwanja

13

il-Lussemburgu

6

l-Ungerija

24

Malta

5

l-Olanda

27

l-Awstrija

18

il-Polonja

54

il-Portugall

24

is-Slovenja

7

is-Slovakkja

14

il-Finlandja

14

l-Isvezja

19

ir-Renju Unit

78

TITOLU II

DISPOSIZZJONIJIET LI JIRRIGWARDAW IL-KUNSILL EWROPEW U L-KUNSILL

Artikolu 2

1.   Id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu I-25(1)(2) u (3) tal-Kostituzzjoni dwar id-definizzjoni tal-maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill Ewropew u l-Kunsill għandu jkollhom effett mill-1 ta' Novembru 2009, wara li l-elezzjonijiet ta' l-2009 tal-Parlament Ewropew isiru skond l-Artikolu I-20(2) tal-Kostituzzjoni.

2.   Id-disposizzjonijiet li ġejjin jibqgħu fis-seħħ sal-31 ta' Ottubru 2009, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu I-25(4) tal-Kostituzzjoni.

Fejn il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill għandhom jaġixxu b'maġġoranza kwalifikata, l-voti tal-membri għandhom jitqiesu li għandhom piż skond kif ġej:

il-Belġju

12

ir-Repubblika Ċeka

12

id-Danimarka

7

il-Ġermanja

29

l-Estonja

4

il-Greċja

12

Spanja

27

Franza

29

l-Irlanda

7

l-Italja

29

Ċipru

4

il-Latvja

4

il-Litwanja

7

Lussemburgu

4

l-Ungerija

12

Malta

3

l-Olanda

13

l-Awstrija

10

il-Polonja

27

il-Portugall

12

is-Slovenja

4

is-Slovakkja

7

il-Finlandja

7

l-Isvezja

10

ir-Renju Unit

29

L-atti għandhom jiġu adottati jekk ikun hemm mill-inqas 232 voti favur li jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-membri meta, skond il-Kostituzzjoni, għandhom jiġu adottati fuq proposta tal-Kummissjoni. F'każijiet oħra d-deċiżjonijiet għandhom jiġu adottati jekk ikun hemm mill-inqas 232 voti favur li jirrappreżentaw mhux anqas minn żewġ terzi tal-membri.

Membru tal-Kunsill Ewropew jew tal-Kunsill jista' jitlob li, fejn att huwa adottat mill-Kunsill Ewropew jew mill-Kunsill b'maġġoranza kwalifikata, issir verifika jekk l-Istati Membri li jiffurmaw din il-maġġoranza kwalifikata jirrappreżentawx mill-inqas 62 % tal-popolazzjoni totali ta' l-Unjoni. Jekk jinstab li dan ma jkunx il-każ, l-att m'għandux ikun adottat.

3.   F'kull adeżjoni suċċessiva, l-livell previst fil-paragrafu 2 għandu jiġi kkalkolat b'mod illi l-livell tal-maġġoranza kwalifikata espress f'voti ma jeċċedix dak li jirriżulta mit-tabella li tidher fid-Dikjarazzjoni dwar it-tkabbir ta' l-Unjoni Ewropea fl-Att Finali tal-Konferenza li adottat it-Trattat ta' Nizza.

4.   Id-disposizzjonijiet li ġejjin rigward id-definizzjoni tal-maġġoranza kwalifikata għandhom jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' Novembru 2009:

l-Artikolu I-44(3), it-tielet, ir-raba' u l-ħames subparagrafi, tal-Kostituzzjoni;

l-Artikolu I-59(5), it-tieni u t-tielet subparagrafi, tal-Kostituzzjoni;

l-Artikolu I-60(4), it-tieni subparagrafu, tal-Kostituzzjoni;

l-Artikolu III-179(4), it-tielet u r-raba' subparagrafi, tal-Kostituzzjoni;

l-Artikolu III-184(6), it-tielet u r-raba subparagrafi, tal-Kostituzzjoni;

l-Artikolu III-184(7), it-tielet u r-raba subparagrafi, tal-Kostituzzjoni;

l-Artikolu III-194(2), it-tieni u t-tielet subparagrafi, tal-Kostituzzjoni;

l-Artikolu III-196(3), it-tieni u t-tielet subparagrafi, tal-Kostituzzjoni;

l-Artikolu III-197(4), it-tieni u t-tielet subparagrafi, tal-Kostituzzjoni;

l-Artikolu III-198(2), it-tielet subparagrafu, tal-Kostituzzjoni;

l-Artikolu III-312(3), it-tielet u r-raba' subparagrafi, tal-Kostituzzjoni;

l-Artikolu III-312(4), it-tielet u r-raba' subparagrafi, tal-Kostituzzjoni;

l-Artikolu 1, it-tieni, t-tielet u raba' subparagrafi, u l-Artikolu 3(1), it-tieni, t-tielet u r-raba' subparagrafi, tal-Protokoll dwar il-posizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda dwar politika rigward kontrolli fuq fruntieri, asil u immigrazzjoni u rigward koperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili u l-koperazzjoni tal-pulizija;

l-Artikolu 1, it-tieni, t-tielet u r-raba' subparagrafi, u l-Artikolu 5, it-tielet, r-raba' u l-ħames subparagrafi tal-Protokoll dwar il-posizzjoni tad-Danimarka.

Sa l-31 ta' Ottubru 2009, f'każijiet fejn mhux il-membri kollha tal-Kunsill jipparteċipaw fil-vot, jiġifieri fil-każijiet previsti fl-Artikoli indikati fl-ewwel subparagrafu, l-maġġoranza kwalifikata għandha tkun imfissra bħala li hija l-istess proporzjoni tal-voti peżati u l-istess proporzjoni tan-numru tal-membri tal-Kunsill u, jekk ikun xieraq, l-istess perċentwali tal-popolazzjoni ta' l-Istati Membri kkonċernati kif stipulat fil-paragrafu 2.

Artikolu 3

Sakemm tidħol fis-seħħ id-deċiżjoni Ewropea prevista fl-Artikolu I-24(4) tal-Kostituzzjoni, l-Kunsill jista' jiltaqa' fil-konfigurazzjonijiet stipulati fl-Artikolu I-24(2) u (3), u fil-konfigurazzjonijiet l-oħrajn fuq il-lista stabbilita b'deċiżjoni Ewropea tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali, b'maġġoranza sempliċi.

TITOLU III

DISPOSIZZJONIJIET LI JIRRIGWARDAW IL-KUMMISSJONI INKLUZ IL-MINISTRU GHALL-AFFARIJIET BARRANIN TA' L-UNJONI

Artikolu 4

Il-Membri tal-Kummissjoni fil-kariga fid-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa għandhom jibqgħu fil-kariga sat-tmiem tal-mandat tagħhom. Madankollu, fil-jum tal-ħatra tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni, l-mandat tal-membru li jkollu l-istess nazzjonalità bħall-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni għandu jintemm.

TITOLU IV

DISPOSIZZJONIJIET LI JIRRIGWARDAW IS-SEGRETARJU-ĠENERALI TAL-KUNSILL, RAPPREZENTANT GHOLI GHALL-POLITIKA ESTERA U TA' SIGURTA KOMUNI U D-DEPUTAT SEGRETARJU-ĠENERALI TAL-KUNSILL

Artikolu 5

Il-mandati tas-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill, Rappreżentant Għoli għall-politika estera u ta' sigurtà komuni u d-Deputat Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill għandhom jintemmu fid-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa. Il-Kunsill għandu jaħtar Segretarju-Ġenerali skond l-Artikolu III-344(2) tal-Kostituzzjoni.

TITOLU V

DISPOSIZZJONIJIET DWAR KORPI KONSULTATTIVI

Artikolu 6

Sakemm tidħol fis-seħħ id-deċiżjoni Ewropea prevista fl-Artikolu III-386 tal-Kostituzzjoni, l-allokazzjoni tal-membri tal-Kumitat tar-Reġjuni għandha tkun kif ġej:

il-Belġju

12

ir-Repubblika Ċeka

12

id-Danimarka

9

il-Ġermanja

24

l-Estonja

7

il-Greċja

12

Spanja

21

Franza

24

l-Irlanda

9

l-Italja

24

Ċipru

6

il-Latvja

7

il-Litwanja

9

Lussemburgu

6

l-Ungerija

12

Malta

5

l-Olanda

12

l-Awstrija

12

il-Polonja

21

il-Portugall

12

is-Slovenja

7

is-Slovakkja

9

il-Finlandja

9

l-Isvezja

12

ir-Renju Unit

24

Artikolu 7

Sakemm tidħol fis-seħħ id-deċiżjoni Ewropea prevista fl-Artikolu III-389 tal-Kostituzzjoni, l-allokazzjoni tal-membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali għandha tkun kif ġej:

il-Belġju

12

ir-Repubblika Ċeka

12

id-Danimarka

9

il-Ġermanja

24

l-Estonja

7

il-Greċja

12

Spanja

21

Franza

24

l-Irlanda

9

l-Italja

24

Ċipru

6

il-Latvja

7

il-Litwanja

9

Lussemburgu

6

l-Ungerija

12

Malta

5

l-Olanda

12

l-Awstrija

12

il-Polonja

21

il-Portugall

12

is-Slovenja

7

is-Slovakkja

9

il-Finlandja

9

l-Isvezja

12

ir-Renju Unit

24

35.   

PROTOKOLL DWAR IL-KONSEGWENZI FINANZJARJI TA' L-ISKADENZA TAT-TRATTAT LI JISTABBILIXXI L-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-FAĦAM U L-AZZAR U DWAR IL-FOND GĦAR-RIĊERKA DWAR IL-FAĦAM U L-AZZAR

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

FILWAQT LI JFAKKRU illi l-attiv u l-passiv kollu tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar kif kien jeżisti fit-23 ta' Lulju 2002, kien ingħadda lill-Komunità Ewropea fl-24 ta' Lulju 2002;

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW x-xewqa li jużaw dawn il-fondi għar-riċerka f'setturi li għandhom x'jaqsmu ma' l-industrija tal-faħam u l-azzar u, għalhekk, il-ħtieġa li jipprovdu ċerti regoli speċifiċi f'dan ir-rigward,

FTEHMU dwar id-disposizzjonijiet li ġejjin, li għandhom jiġu annessi mat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa:

Artikolu 1

1.   Il-valur nett ta' l-attiv u l-passiv tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, kif jidher fil-balance sheet tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar tat-23 ta' Lulju 2002, suġġetti għal kull awment jew tnaqqis konsegwenti għall-operazzjoni ta' stralċ, għandu jkun kunsidrat bħala patrimonju ta' l-Unjoni destinat għar-riċerka fis-setturi konnessi ma' l-industrija tal-faħam u l-azzar, imsejjħa “l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar fi stralċ”. Meta jintemm l-istralċ il-patrimonju għandu jissejjaħ “Patrimonju tal-Fond ta' Riċerka tal-Faħam u l-Azzar”.

2.   Id-dħul minn dan il-patrimonju msejjaħ “Fond għar-Riċerka dwar il-Faħam u l-Azzar”, għandu jiġi utilizzat esklużivament għar-riċerka f'setturi konnessi ma' l-industrija tal-faħam u ta' l-azzar 'il barra mill-programm kwadru ta' riċerka, skond dan il-Protokoll u l-atti adottati abbażi tiegħu.

Artikolu 2

1.   Liġi Ewropea tal-Kunsill għandha tistabbilixxi d-disposizzjonijiet kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan il-Protokoll, inklużi l-prinċipji essenzjali. Il-Kunsill għandu jaġixxi wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.

2.   Il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta r-regolamenti jew id-deċiżjonijiet Ewropej li jistabbilixxu linji gwida finanzjarji pluriannwali għall-amministrazzjoni tal-patrimonju tal-Fond ta' Riċerka tal-Faħam u l-Azzar u linji gwida tekniċi għall-programm ta' riċerka tal-Fond ta' Riċerka tal-Faħam u l-Azzar. Għandu jaġixxi wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew.

Artikolu 3

Ħlief kif provdut mod ieħor f'dan il-Protokoll u fl-atti adottati skond dan, għandha tapplika l-Kostituzzjoni.

36.   

PROTOKOLL LI JEMENDA T-TRATTAT LI JISTABBILIXXI L-KOMUNITÀ EWROPEA DWAR L-ENERĠIJA ATOMIKA

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

FILWAQT LI JFAKKRU l-ħtieġa li d-disposizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika għandhom ikomplu jkollhom effett ġuridiku sħiħ;

BIX-XEWQA li jaddattaw dak it-Trattat għar-regoli ġodda stabbiliti bit-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa, b'mod partikolari fl-oqsma istituzzjonali u finanzjarji,

FTEHMU dwar id-disposizzjonijiet li ġejjin, li huma annessi mat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa u li jemendaw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika kif ġej:

Artikolu 1

Dan il-Protokoll għandu jemenda t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita Ewropea dwar l-Enerġija Atomika (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ it-“Trattat tal-KEEA”), fil-verżjoni tiegħu li jkun fis-seħħ fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa.

Minkejja l-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu IV-437 tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa u mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet l-oħra ta' dan il-Protokoll, l-effetti ġuridiċi ta' l-emendi magħmula lit-Trattat tal-KEEA mit-trattati u l-atti imħassra skond l-Artikolu IV-437 tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għal Ewropa, u l-effetti ġuridiċi ta' l-atti li huma fis-seħħ adottati fuq il-bażi tat-Trattat tal-KEEA, m'għandhomx ikunu milquta.

Artikolu 2

L-intestatura tat-Titolu III “Disposizzjonijiet Istituzzjonali” tat-Trattat tal-KEEA għandha tiġi sostitwita bi: “Disposizzjonijiet istituzzjonali u finanzjarji”.

Artikolu 3

Il-kapitolu ġdid li ġej għandu jiddaħħal fil-bidu tat-Titolu III tat-Trattat tal-KEEA:

“KAPITOLU 1

APPLIKAZZJONI TA' ĊERTI DISPOSIZZJONIJIET TAT-TRATTAT LI JISTABBILIXXI KOSTITUZZJONI GĦALL-EWROPA

Artikolu 106a

1.   L-Artikoli I-19 sa I-29, l-Artikoli I-31 sa I-39, l-Artikoli I-49 u I-50, l-Artikoli I-53 sa I-56, l-Artikoli I-58 u I-60, l-Artikoli III-330 sa III-372, l-Artikoli III-374 u III-375, l-Artikoli III-378 sa III-381, l-Artikoli III-384 u III-385, l-Artikoli III-389 sa III-392, l-Artikoli III-395 sa III-410, l-Artikoli III-412 sa III-415 u l-Artikoli III-427, III-433, IV-439 u IV-443 tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa għandhom japplikaw għal dan it-Trattat.

2.   Fil-kwadru ta' dan it-Trattat, ir-referenzi għall-Unjoni u għall-Kostituzzjoni fid-disposizzjonijiet previsti fil-paragrafu 1 u dawk fil-protokolli annessi kemm mat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa u ma' dan it-Trattat għandhom jiġu kkunsidrati, rispettivament, bħala referenzi għall-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika u għal dan it-Trattat.

3.   Id-disposizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa m'għandhomx jidderogaw mid-disposizzjonijiet ta' dan it-Trattat.”

Artikolu 4

Il-Kapitoli I, II u III ta' Titolu III tat-Trattat tal-KEEA għandhom isiru II, III u IV.

Artikolu 5

1.   L-Artikolu 3, l-Artikoli 107 sa 132, l-Artikoli 136 sa 143, l-Artikoli 146 sa 156, l-Artikoli 158 sa 163, l-Artikoli 165 sa 170, l-Artikoli 173, 173A u 175, l-Artikoli 177 sa 179a, u l-Artikoli 180b u 181, l-Artikoli 183, 183A, 190 u 204 tat-Trattat tal-KEEA huma mħassra.

2.   Il-Protokolli li qabel kienu annessi mat-Trattat tal-KEEA huma mħassra.

Artikolu 6

L-intestatura tat-Titolu IV tat-Trattat tal-KEEA “Disposizzjonijiet Finanzjarji” għandha tiġi sostitwita bl-intestatwa, “Disposizzjonijiet finanzjarji speċifiċi”.

Artikolu 7

1.   Fit-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 38 u fit-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 82 tat-Trattat tal-KEEA ir-referenzi għall-Artikoli 141 u 142 għandhom jiġu sostitwiti rispettivament b'dawk għall-Artikoli III-360 u III-361 rispettivament tal-Kostituzzjoni.

2.   Fl-Artikolu 171(2) u fl-Artikolu 176(3) tat-Trattat tal-KEEA ir-referenza għall-Artikolu 183 għandha tiġi sostitwita b'dik għall-Artikolu III-412 tal-Kostituzzjoni.

3.   Fl-Artikolu 172(4) tat-Trattat tal-KEEA ir-referenza għall-Artikolu 177(5) għandha tiġi sostitwita b'dik għall-Artikolu III-404 tal-Kostituzzjoni.

4.   Fl-Artikoli 38, 82, 96 u 98 tat-Trattat tal-KEEA l-kelma “direttiva” għandha tiġi sostitwita bil-kelmiet “Regolament Ewropew”.

5.   Fit-Trattat tal-KEEA l-kelma “deċiżjoni” għandha tiġi sostitwita bil-kelmiet “deċiżjoni Ewropea”, minbarra fl-Artikoli 18, 20 u 23, l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 53, kif ukoll fil-każ fejn id-deċiżjoni hija meħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea.

6.   Fit-Trattat tal-KEEA, l-kelmiet “Qorti tal-Ġustizzja” għandha tiġi sostitwita bil-kelmiet “Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea”.

Artikolu 8

L-Artikolu 191 tat-Trattat tal-KEEA għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 191

Il-Komunità għandha tgawdi fit-territorji ta' l-Istati Membri dawk il-privileġġi u l-immunitajiet li huma neċessarji għat-twettiq tal-kompiti tagħha, taħt il-kondizzjonijiet imsemmija fil-Protokoll dwar il-privileġgi u l-immunitajiet ta' l-Unjoni Ewropea.”

Artikolu 9

L-Artikolu 198 tat-Trattat tal-KEEA għandu jiġi sostitwit bit-test li ġej:

“Artikolu 198

Ħlief kif provdut xort'oħra, d-disposizzjonijiet ta' dan it-Trattat għandhom japplikaw għat-territorji Ewropej ta' l-Istati Membri u għat-territorji mhux Ewropej taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom.

Għandhom japplikaw ukoll għat-territorji Ewropej li għar-relazzjonijiet esterni tagħhom huwa responsabbli Stat Membru.

Id-disposizzjonijiet ta' dan it-Trattat għandhom japplikaw għall-Gżejjer Åland bid-derogi li kienu stabbiliti oriġinarjament fit-Trattat li hemm referenza għalih fl-Artikolu IV-437(2)(d) tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa u li kienu inkorporati fil-Protokoll dwar it-Trattati u l-Atti ta' Adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brettanja u l-Irlanda ta' Fuq, tar-Repubblika Ellenika, tar-Repubblika ta' Spanja u r-Repubblika Portugiża, u r-Repubblika ta' l-Awstrija, r-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju ta' l-Isvezja.

Minkejja l-ewwel, it-tieni u t-tielet paragrafi:

a)

dan it-Trattat m'għandu japplika la għall-Gżejjer Faroe u lanqas għall-Groenlandja;

b)

dan it-Trattat m'għandux japplika għaż-Żoni ta' Bażi Sovrana tar-Renju Unit tal-Gran Brettanja u l-Irlanda ta' Fuq f'Ċipru;

ċ)

Dan it-Trattat m'għandux japplika għall-pajjiżi u territorji extra-Ewropej li għandhom relazzjonijiet speċjali mar-Renju Unit tal-Gran Brettanja u l-Irlanda ta' Fuq li ma jissemmewx fil-lista fl-Anness II tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għal Ewropa;

d)

Dan it-Trattat għandu japplika għaċ-Channel Islands u l-Isle of Man biss safejn hu meħtieġ biex jiżgura l-implimentazzjoni ta' l-arranġamenti għal dawk il-gżejjer oriġinarjament stabbiliti fit-Trattat previst fl-Artikolu IV-437(2)(a) tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa u li kien inkorporat fil-Protokoll dwar it-Trattati u l-Atti ta' l-Adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brettanja u l-Irlanda ta' Fuq, tar-Repubblika Ellenika, tar-Repubblika ta' Spanja u r-Repubblika Portugiża, u r-Repubblika ta' l-Awstrija, r-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju ta' l-Isvezja.”

Artikolu 10

L-Artikolu 206 tat-Trattat tal-KEEA għandu jiġi sostitwit bit-test li ġej:

“Artikolu 206

Il-Komunità tista' tikkonkludi ma' Stat wieħed jew iktar jew organizzazzjonijiet internazzjonali ftehim li jistabbilixxu assoċjazzjoni li tinvolvi drittijiet u obbligi reċiproki, azzjoni komuni u proċeduri speċjali.

Dawn il-ftehim għandhom ikunu konklużi mill-Kunsill, li jaġixxi unaniment wara konsultazzjoni mall-Parlament Ewropew.

Fejn tali ftehim jirrikjedu emendi għal dan it-Trattat, dawn l-emendi għandhom l-ewwel ikunu adottati skond il-proċedura imniżżla fl-Artikolu IV-443 tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għal-Ewropa.”

Artikolu 11

Fl-Artikolu 225 tat-Trattat tal-KEEA, t-tieni paragrafu għandu jkun sostitwit b'li ġej:

“Il-verżjonijiet tat-Trattat bil-lingwa Ċeka, Daniża, Estona, Finlandiża, Griega, Ungeriża, Irlandiża, Ingliża, Latvjana, Litwana, Maltija, Pollakka, Portugiża, Slovakka, Slovena, Spanjola, u Svediża għandhom ikunu wkoll awtentiċi.”

Artikolu 12

Id-dħul u l-ispiża tal-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, bl-eċċezzjoni ta' dawk ta' l-Aġenzija Fornitriċi u l-impriżi konġunti, għandhom jiddaħħlu fil-budget ta' l-Unjoni.

B.   ANNESSI

GĦAT-TRATTAT LI JISTABBILIXXI KOSTITUZZJONI GĦALL-EWROPA

ANNESS I

LISTA PREVISTA FL-ARTIKOLU III-226 TAL-KOSTITUZZJONI

1 — Numru skondin-nomenklatura maqgħuda

2 — Deskrizzjoni tal-Prodotti

KAPITOLU 1

Annimali ħajjin

KAPITOLU 2

Laħam u skart tal-laħam tajjeb għall-ikel

KAPITOLU 3

Ħut, krustaċej u molluski

KAPITOLU 4

Prodotti tal-ħalib; bajd tat-tjur; għasel naturali

KAPITOLU 5

 

0504

Imsaren, bżieżaq ta' l-awrina u stonkijiet ta' annimali (apparti ħut), sħaħ u biċċiet minnhom

0515

Prodotti minn annimali li mhumiex speċifikati jew inklużi band'oħra; annimali mejta tal-Kapitolu 1 jew tal-Kapitolu 3, mhux tajbin għall-konsum mill-bniedem

KAPITOLU 6

Siġar ħajjin u pjanti oħrajn; basal, għeruq u simili; fjuri maqtugħa u weraq ornamentali

KAPITOLU 7

Ħxejjex u ċerti għeruq u tuberi ta' l-ikel

KAPITOLU 8

Frott u ġewż ta' l-ikel; qxur tal-bettieħ jew ta' frott taċ-ċitru

KAPITOLU 9

Kafé, té u ħwawar, apparti maté (intestatura Nru 09.03)

KAPITOLU 10

Ċereali

KAPITOLU 11

Prodotti ta' l-industrija tat-titħin; xgħir u lamti; glutena; inulina

KAPITOLU 12

Żrieragħ u frott żejtnin; qmuħ mixxellanji, żrieragħ u frott; pjanti industrijali u mediċinali; tiben u għalf

KAPITOLU 13

 

ex 1303

Pektin

KAPITOLU 15

 

1501

Xaħam proċessat u xaħam proċessat ieħor estratt mill-majjal; xaħam proċessat estratt tat-tjur

1502

Xaħam tal-baqar, nagħaġ u mogħoż mhux estratt bi proċess; tallow (inkluż premier jus) prodott minn dawk ix-xaħmijiet

1503

Lard stearin, oleostarin u tallow stearin; żejt tax-xaħam, oleo-oil u tallow oil, mhux emulsjonat jew imħallat jew preparat bi kwalunkwe mod

1504

Xaħmijiet u żjut, ta' ħut u mammiferi tal-baħar, kemm jekk raffinati jew le

1507

Żjut veġetali fissi, fluidi jew solidi, nejjin, raffinati jew purifikati

1512

Xaħmijiet jew żjut ta' annimali u ħxejjex, hydrogenated, kemm jekk raffinati jew mhux raffinati, iżda mhux preparati aktar

1513

Marġerina, imitazzjonijiet ta' xaħam u grassi ta' l-ikel oħrajn

1517

Residwi ta' trattamenti ta' sustanzi mxaħħmin jew xama' prodotta minn annimali jew ħxejjex

KAPITOLU 16

Preparazzjonijiet ta' laħam, ta' ħut, ta' krustaċej jew molluski

KAPITOLU 17

 

1701

Zokkor tal-pitravi u zokkor tal-kannamieli, solidu

1702

Tipi oħrajn ta' zokkor; xiroppi taz-zokkor; għasel artifiċjali (kemm jekk imħallat ma' għasel naturali kemm jekk le); karamell

1703

Melassa (għasel iswed), kemm jekk dekolorat u anki jekk le

1705 (37)

Zokkor, xiroppi u melassa (għasel iswed) aromatizzati jew kolorati, iżda mhux inklużi sugi ta' frott li fihom zokkor miżjud fi kwalunkwe proporzjon

KAPITOLU 18

 

1801

Żerriegħa tal-kawkaw, sħiħ jew imfarrak, nej jew inkaljat

1802

Qxur, fosdoq, ħliefa u skart tal-kawkaw

KAPITOLU 20

Preparazzjonijiet ta' ħxejjex, frott jew partijiet oħra ta' pjanti

KAPITOLU 22

 

2204

Most ta' l-għeneb, fi stat ta' fermentazzjoni jew bil-fermentazzjoni mwaqqfa b'mezz ieħor milli biż-żieda ta' l-alkoħol

2205

Inbid ta' l-għenba; most ta' l-għeneb bil-fermentazzjoni mwaqqfa biż-żieda ta' l-alkoħol

2207

Xorb ieħor iffermentat (per eżempju, sidru, perry u mead)

ex 2208 (37)

ex 2209 (37)

Alkoħol ethyl jew spiriti newtrali, kemm jekk żnaturati jew le, ta' kwalunkwe qawwa, miskub minn prodotti agrikol elenkati f'dan l- Anness, minbarra likori u xorb spirituż ieħor u preparazzjonijiet alkoħoliċi komposti (magħrufa bħala 'estratti kkoncentrati') għall- manifattura ta' xorb

ex 2210 (37)

Ħall u sostituti għal ħall

KAPITOLU 23

Residwi u skart mill-industriji ta' l-ikel; għalf preparat għall-annimali

KAPITOLU 24

 

2401

Tabakk mhux maħdum; skart tat-tabakk

KAPITOLU 45

 

4501

Sufra naturali, mhux maħduma, imfarrka, granulata jew mitħuna; skart ta' sufra

KAPITOLU 54

 

5401

Flax, nej jew proċessat iżda mhux maħdum; tilqit u skart ta' flax (inklużi biċċiet imġebbda

KAPITOLU 57

 

5701

Qanneb (Cannabis sativa), nej jew proċessat iżda mhux maħdum; fibri mwarrba u skart (inklużi biċċiet imġebbda jew ħbula)

ANNESS II

PAJJIŻI U TERRITORJI EXTRA-EWROPEJ LI GĦALIHOM JAPPLIKA T-TITOLU IV TAL-PARTI III TAL-KOSTITUZZJONI

Il-Groenlandja

Il-Kaledonja l-Ġdida u d-Dipendenzi tagħha

Il-Polineżja Franċiża

It-Territorji Franċiżi tan-Nofs-in-Nhar u Antartiċi

Il-Gżejjer Wallis u Futuna

Mayotte

Saint Pierre u Miquelon

Aruba

L-Antilles Olandiżi:

Bonaire

Curacao

Saba

Sint-Eustasius

Sint-Maarten

L-Anguilla

Il-Gżejjer Kajman

Il-Gżejjer Falkland

Il-Gżejjer ta' Ġeorġja ta' Nofs-in-Nhar u Sandwich ta' Nofs-in-Nhar

Montserrat

Pitcairn

Sant' Elena u d-Dipendenzi

It-Territorju Brittanniku ta' l-Antartiku

It-Territorju Britanniku ta' l-Oċean Indjan

Il-Gżejjer Turks u Caicos

Il-Gżejjer Verġni Britanniċi

Il-Bermuda


(1)  ĠU L 73, tas-27.3.1972, p. 47.

(2)  ĠU L 73, tas-27.3.1972, p. 84.

(3)  ĠU L 291, tad-19.11.1979, p. 163.

(4)  ĠU C 241, tad-29.8.1994, p. 322.

(5)  ĠU C 241, 29.8.1994. p. 355.

(6)  ĠU C 241, tad-29.8.1994, p. 364.

(7)  ĠU C 241, tad-29.8.1994, p. 365.

(8)  ĠU C 241, tad-29.8.1994, p. 367.

(9)  ĠU C 241, tad-29 ta' Awwissu 1994, p. 370.

(10)  ĠU L 1, tat-3.1.1994, p. 3.

(11)  ĠU L 253, tas-7.10.2000, p. 42.

(12)  ĠU L 79, tat-22.3.2002, p. 42.

(13)  Iregolament (KEE) Nru.  3906/89 (ĠU L 375 tat-23.12.1989, p. 11).

(14)  Iregolament (KE) Nru. 2760/98 (ĠU L 345, tad-19.12.1998, p. 49).

(15)  Iregolament (KE) Nru. 555/2000 (ĠU L 68, tas-16.3.2000, p. 3).

(16)  Iregolament (KE) Nru. 1267/1999 (ĠU L 161, tas-26.6.1999, p. 73).

(17)  Iregolament (KE) Nru. 1268/1999 (ĠU L 161, tas-26.6.1999, p. 87).

(18)  Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-6 ta' Mejju 1999, bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina fil-budget u t-titjib fil-proċedura tal-budget (ĠU Ċ 172, tat-18.6.1999, p. 1).

(19)  ĠU L 160, tas-26.6.1999, p. 103.

(20)  ĠU L 160, tas-26.6.1999, p. 80.

(21)  ĠU L 232, tat-2.9.1999, p. 34.

(22)  Kif stipulat fil-Linji Gwida tal-Phare (SEC (1999) 1596, aġġornat fis-6.9.2002 minn Ċ 3303/02).

(23)  ĠU L 56, ta' l-4.3.1968, p. 1.

(24)  ĠU L 161, tas-26.6.1999, p. 1.

(25)  ĠU L 375, tal-31.12.1989, p. 11.

(26)  Iregolament (KE, Euratom) Nru. 1605/2002 (ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1).

(27)  ĠU L 178, tat-30.6.2001, p. 1.

(28)  ĠU L 360, tal-31.12.1994, p. 2.

(29)  ĠU L 257, tal-31.12.1994, p. 26.

(30)  ĠU L 360, tal-31.12.1994, p. 2.

(31)  ĠU L 149, tal-5.7.1971, p. 2.

(32)  ĠU L 375, tat-23.12.1989, p. 11.

(33)  ĠU L 99, tas-17.4.2003, p. 8.

(34)  ĠU L 348, tal-31.12.1993, p. 2.

(35)  ĠU L 375, tat-23.12.1989, p. 11.

(36)  ĠU L 236, tat-23.9.2003, p. 33.

(37)  Intestatura miżjuda bl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru. 7a tal-Kunsill tal-Komunità Ekonomika Ewropea tas-18 ta' Diċembru 1959 (ĠU 7, 30.1.1962, p. 71/61).


ATT FINALI

IL-KONFERENZA TAR-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TA' L-ISTATI MEMBRI, mlaqqa' fi Brussel fit-30 ta' Settembru 2003 biex tadotta bi qbil komuni it-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa, adottat it-testi li ġejjin:

I.

Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa

II.

Protokolli annessi mat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa

1.

Protokoll dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali ta' l-Istati Membri fl-Unjoni Ewropea

2.

Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità

3.

Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea

4.

Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew

5.

Protokoll dwar l-Istatut tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment

6.

Protokoll dwar is-siti tas-sedi ta' l-istituzzjonijiet u ta' ċerti korpi, aġenziji u dipartimenti ta' l-Unjoni Ewropea

7.

Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet ta' l-Unjoni Ewropea

8.

Protokoll dwar it-Trattati u l-Atti ta' Adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, tar-Repubblika Ellenika, tar-Renju ta' Spanja u r-Repubblika Portugiża, u tar-Repubblika ta' l-Awstrija, r-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju ta' l-Isvezja

9.

Protokoll dwar it-Trattat u l-Att ta' l-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, r-Repubblika ta'l-Estonja, r-Repubblika ta' Ċipru, r-Repubblika tal-Latvja, r-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta' l-Ungerija, r-Repubblika ta' Malta, r-Repubblika tal-Polonja, r-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka

10.

Protokoll dwar il-proċedura dwar id-deficit eċċessiv

11.

Protokoll dwar il-kriterji ta' konverġenza

12.

Protokoll dwar il-Grupp tal-euro

13.

Protokoll dwar ċerti disposizzjonijiet rigward ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq fir-rigward ta' l-unjoni ekonomika u monetarja

14.

Protokoll dwar ċerti disposizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mad-Danimarka fir-rigward ta' l-unjoni ekonomika u monetarja

15.

Protokoll dwar ċerti kompiti tal-Bank Nazzjonali tad-Danimarka

16.

Protokoll dwar is-sistema tal-franc tal-Komunità Finanzjarja tal-Paċifiku

17.

Protokoll dwar l-acquis ta' Schengen integrat fil-kwadru ta' l-Unjoni Ewropea

18.

Protokoll dwar l-applikazzjoni ta' ċerti aspetti ta' l-Artikolu III-130 tal-Kostituzzjoni għar-Renju Unit u għall-Irlanda

19.

Protokoll dwar il-posizzjoni tar-Renju Unit u ta' l-Irlanda dwar politika rigward il-kontrolli fuq il-fruntieri, l-asil u l-immigrazzjoni u rigward il-koperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili u l-koperazzjoni tal-pulizija

20.

Protokoll dwar il-posizzjoni tad-Danimarka

21.

Protokoll dwar ir-relazzjonijiet esterni ta' l-Istati Membri fir-rigward tal-qsim ta' fruntieri esterni

22.

Protokoll dwar l-asil għal ċittadini ta' l-Istati Membri

23.

Protokoll dwar il-koperazzjoni strutturata permanenti stabbilita bl-Artikolu I-41(6) u bl-Artikolu III-312 tal-Kostituzzjoni

24.

Protokoll dwar l-Artikolu I-41(2) tal-Kostituzzjoni

25.

Protokoll dwar importazzjonijiet fl-Unjoni Ewropeata' prodotti taż-żejt raffinati fl-Antilles Olandiżi

26.

Protokoll dwar l-akkwist ta' proprjetà fid-Danimarka

27.

Protokoll dwar is-sistema ta' xandir pubbliku fl-Istati Membri

28.

Protokoll dwar l-Artikolu III-214 tal-Kostituzzjoni

29.

Protokoll dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali

30.

Protokoll dwar arranġamenti speċjali għall-Groenlandja

31.

Protokoll dwar l-Artikolu 40.3.3. tal-Kostituzzjoni ta' l-Irlanda

32.

Protokoll rigward l-Artikolu I-9(2) tal-Kostituzzjoni dwar l-adeżjoni ta' l-Unjoni għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali

33.

Protokoll dwar l-Atti u t-Trattati li ssupplimentaw jew emendaw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

34.

Protokoll dwar id-disposizzjonijiet transitorji rigward l-istituzzjonijiet u l-korpi ta' l-Unjoni

35.

Protokoll dwar il-konsegwenzi finanzjarji ta' l-iskadenza tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar u dwar il-Fond għar-Riċerka dwar il-Faħam u l-Azzar

36.

Protokoll li jemenda t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika

III.

Annessi għat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa

1.

Anness I - Lista prevista fl-Artikolu III-226 tal-Kostituzzjoni

2.

Anness II - Pajjiżi u territorji extra-Ewropej li għalihom japplika t-Titolu IV tal-Parti III tal-Kostituzzjoni

Il-Konferenza adottat id-Dikjarazzjonijiet li ġejjin anness ma' dan l-Att Finali:

A.

Dikjarazzjonijiet dwar disposizzjonijiet tal-Kostituzzjoni

1.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu I-6

2.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu I-9(2)

3.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikoli I-22, I-27 u I-28

4.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu I-24(7) dwar id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew rigward l-eżerċizzju tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri

5.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu I-25

6.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu I-26

7.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu I-27

8.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu I-36

9.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikoli I-43 u III-329

10.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu I-51

11.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu I-57

12.

Dikjarazzjoni dwar l-ispjegazzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali

13.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu III-116

14.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu III-136 u III-267

15.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikoli III-160 u III-322

16.

Dikjarazzjoni dwar Artikolu III-167(2)(ċ)

17.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu III-184

18.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu III-213

19.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu III-220

20.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu III-243

21.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu III-248

22.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu III-256

23.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu III-273(1)

24.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu III-296

25.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu III-325 dwar in-negozjar u l-konkluzjoni ta' ftehim internazzjonali mill-Istati Membri dwar iż-żona ta' Libertà, ta' Sigurtà u ta' ġustizzja

26.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu III-402(4)

27.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu III-419

28.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu IV-440(7)

29.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu IV-448(2)

30.

Dikjarazzjoni dwar ir-ratifika tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa

B.

Dikjarazzjonijiet dwar Protokolli annessi mal-Kostituzzjoni

Dikjarazzjonijiet rigward il-Protokoll dwar it-Trattati u l-Atti ta' l-Adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, ta' l-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, tar-Repubblika Ellenika, tar-Renju ta' Spanja u r-Repubblika Portugiża, u tar-Repubblika ta' l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta' l-Isvezja

31.

Dikjarazzjoni dwar il-gżejjer Åland

32.

Dikjarazzjoni dwar il-poplu Sami

Dikjarazzjonijiet rigward il-Protokoll dwar it-Trattat u l-Att ta' l-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika ta' l-Estonja, tar-Repubblika ta' Ċipru, tar-Repubblika tal-Latvja, tar-Repubblika tal-Litwanja, tar-Repubblika ta' l-Ungerija, tar-Repubblika ta' Malta, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika tas-Slovenja u tar-Repubblika Slovakka

33.

Dikjarazzjoni dwar iż-Żoni ta' Bażi Sovrana tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq f'Ċipru

34.

Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar iż-żoni ta' Bażi Sovrana tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq f'Ċipru

35.

Dikjarazzjoni dwar l-Impjant ta' Enerġija Nukleari ta' Ignalina fil-Litwanja

36.

Dikjarazzjoni dwar it-transitu ta' persuni bl-art bejn ir-reġjun ta' Kaliningrad u partijiet oħra tal-Federazzjoni Russa

37.

Dikjarazzjoni dwar l-Unità 1 u l-Unità 2 ta' l-impjant ta' enerġija nukleari Bohunice V1 fis-Slovakkja

38.

Dikjarazzjoni dwar Ċipru

39.

Dikjarazzjoni rigward il-Protokoll dwar id-Danimarka

40.

Dikjarazzjoni rigward il-Protokoll dwar id-disposizzjonijiet transitorji konnessi ma' l-istituzzjonijiet u mal-korpi ta' l-Unjoni

41.

Dikjarazzjoni rigward l-Italja

Minbarra dan, il-Konferenza ħadet nota tad-dikjarazzjonijiet elenkati kif ġej u annessi ma' dawn l-atti finali:

42.

Dikjarazzjoni tar-Renju ta' l-Olanda dwar l-Artikolu I-55

43.

Dikjarazzjoni tar-Renju ta' l-Olanda dwar l-Artikolu IV-440

44.

Dikjarazzjoni mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-Irlanda, r-Repubblika ta' l-Ungerija, r-Repubblika ta' l-Awstrija u r-Repubblika ta' l-Isvezja

45.

Dikjarazzjoni tar-Renju ta' Spanja u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq

46.

Dikjarazzjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq dwar id-definizzjoni tat-terminu “ċittadini'”

47.

Dikjarazzjoni mir-Renju ta' Spanja dwar id-definizzjoni tat-terminu “ċittadini'”

48.

Dikjarazzjoni mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq dwar id-dritt tal-vot għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew

49.

Dikjarazzjoni mir-Renju tal-Belġju dwar il-parlamenti nazzjonali

50.

Dikjarazzjoni mir-Repubblika tal-Latvja u r-Repubblika ta' l-Ungerija dwar l-ortografija ta' l-isem tal-munita unika fit-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa

Hecho en Roma, el veintinueve de octubre del dos mil cuatro.

V Římě dne dvacátého devátého října dva tisíce čtyři

Udfærdiget i Rom den niogtyvende oktober to tusind og fire.

Geschehen zu Rom am neunundzwanzigsten Oktober zweitausendundvier.

Kahe tuhande neljanda aasta oktoobrikuu kahekümne üheksandal päeval Roomas

Έγινε στη Ρώμη, στις είκοσι εννέα Οκτωβρίου δύο χιλιάδες τέσσερα.

Done at Rome on the twenty-ninth day of October in the year two thousand and four.

Fait à Rome, le vingt-neuf octobre deux mille quatre.

Arna dhéanamh sa Róimh, an naoú lá fichead de Dheireadh Fómhair sa bhliain dhá mhíle is a ceathair

Fatto a Roma, addi' ventinove ottobre duemilaquattro.

Romā, divi tūkstoši ceturtā gada divdesmit devītajā oktobrī

Priimta du tūkstančiai ketvirtų metų spalio dvidešimt devintą dieną Romoje

Kelt Rómában, a kétezer-negyedik év október havának huszonkilencedik napján

Magħmul f'Ruma fid-disa' u għoxrin jum ta' Ottubru tas-sena elfejn u erbgħa

Gedaan te Roma, de negenentwintigste oktober tweeduizendvier.

Sporządzono w Rzymie dnia dwudziestego dziewiątego października roku dwutysięcznego czwartego

Feito em Roma, em vinte e nove de Outubro de dois mil e quatro

V Ríme dvadsiatehodeviateho októbra dvetisícštyri

V Rimu, devetindvajsetega oktobra leta dva tisoč štiri

Tehty Roomassa kahdentenakymmenentenäyhdeksäntenä päivänä lokakuuta vuonna kaksituhattaneljä.

Som skedde i Rom den tjugonionde oktober tjugohundrafyra.

Pour Sa Majesté le Roi des Belges

Voor Zijne Majesteit de Koning der Belgen

Für Seine Majestät den König der Belgier

Image

Cette signature engage également la Communauté française, la Communauté flamande, la Communauté germanophone, la Région wallonne, la Région flamande et la Région de Bruxelles-Capitale.

Deze handtekening verbindt eveneens de Vlaamse Gemeenschap, de Franse Gemeenschap, de Duitstalige Gemeenschap, het Vlaamse Gewest, het Waalse Gewest en het Brussels Hoofdstedelijk Gewest.

Diese Unterschrift bindet zugleich die Deutschsprachige Gemeinschaft, die Flämische Gemeinschaft, die Französische Gemeinschaft, die Wallonische Region, die Flämische Region und die Region Brüssel-Hauptstadt.

Za prezidenta České republiky

Image

For Hendes Majestæt Danmarks Dronning

Image

Für den Präsidenten der Bundesrepublik Deutschland

Image

Eesti Vabariigi Presidendi nimel

Image

Για τον Πρόεδρο της Ελληνικής Δημοκρατίας

Image

Por Su Majestad el Rey de España

Image

Pour le Président de la République française

Image

Thar ceann Uachtarán na hÉireann

For the President of Ireland

Image

Per il Presidente della Repubblica italiana

Image

Για τον Πρόεδρο της Κυπριακής Δημοκρατίας

Image

Latvijas Republikas Valsts prezidentes vārdā

Image

Lietuvos Respublikos Prezidento vardu

Image

Pour Son Altesse Royale le Grand-Duc de Luxembourg

Image

A Magyar Köztársaság Elnöke részéről

Image

Għall-President ta' Malta

Image

Voor Hare Majesteit de Koningin der Nederlanden

Image

Für den Bundespräsidenten der Republik Österreich

Image

Za Prezydenta Rzeczypospolitej Polskiej

Image

Pelo Presidente da República Portuguesa

Image

Za predsednika Republike Slovenije

Image

Za prezidenta Slovenskej republiky

Image

Suomen Tasavallan Presidentin puolesta

För Republiken Finlands President

Image

För Konungariket Sveriges regering

Image

For Her Majesty the Queen of the United Kingdom of Great Britain and Northern Ireland

Image

Han firmado asimismo la presente Acta final, en su condición de Estados candidatos a la adhesión a la Unión Europea, observadores ante la Conferencia:

Tento závěrečný akt rovněž podepsali pozorovatelé při Konferenci, jakožto státy kandidující na přistoupení k Evropské unii:

Følgende observatører ved konferencen har ligeledes undertegnet denne slutakt i deres egenskab af kandidatstater til Den Europæiske Union:

Als Beobachter bei der Konferenz haben in ihrer Eigenschaft als Kandidaten für den Beitritt zur Europäischen Union ferner diese Schlussakte unterzeichnet:

Käesoleva lõppakti on allkirjastanud Euroopa Liidu kandidaatriikide esindajatena ka konverentsi vaatlejad:

Την παρούσα Τελική Πράξη υπέγραψαν επίσης, υπό την ιδιότητά τους ως υποψηφίων για προσχώρηση στην Ευρωπαϊκή Ένωση κρατών, οι παρατηρητές κατά τη Διάσκεψη:

The following have also signed this Final Act, in their capacity as candidate States for accession to the European Union, having been observers to the Conference:

Ont également signé le présent acte final, en leur qualité d'États candidats à l'adhésion de l'Union européenne, observateurs auprès de la Conférence:

Shínigh na breathnóirí seo a leanas ag an gComhdháil an Ionstraim Chríochnaítheach seo freisin ina gcáil mar Stáit iarrthacha don Aontas Eorpach:

Hanno altresì firmato il presente atto finale, in qualità di Stati candidati all'Unione europea, osservatori nella Conferenza

Šo Nobeiguma aktu kā Eiropas Savienības pievienošanās kandidātvalstu vadītāji ir parakstījuši arī šādi Konferences novērotāji:

Baigiamąjį aktą taip pat pasirašo į Europos Sąjungą stojančios valstybės kandidatės, Konferencijos stebėtojos:

Ezt az záróokmányt a Európai Unió tagjelölt államaiként, amelyek a Konferencián megfigyelőként vettek részt, a következők is aláírták:

Iffirmaw ukoll dan l-Att Finali, fil-kapaċità tagħhom ta' Stati kandidati ta' l-Unjoni Ewropea, bħala osservaturi għall-Konferenza:

Deze Slotakte is tevens ondertekend door de volgende kandidaat-lidstaten van de Europese Unie, waarnemers bij de Conferentie:

Niniejszy Akt Końcowy został również podpisany przez Państwa kandydujące do przystąpienia do Unii Europejskiej, będące obserwatorami przy Konferencji:

Assinaram igualmente a presente Acta Final, na qualidade de Estados candidatos à adesão à União Europeia, observadores na Conferência:

V postavení štátov uchádzajúcich sa o pristúpenie k Európskej únii a v postavení pozorovateľov na konferencii podpísali tento záverečný akt:

To sklepno listino so kot države kandidatke za pristop k Evropski uniji in kot opazovalke Konference, podpisali tudi

Tämän päätösasiakirjan ovat Euroopan unionin jäsenehdokasvaltioina allekirjoittaneet myös konferenssiin tarkkailijoina osallistuneet:

Nedanstående observatörer vid konferensen har, i sin egenskap av kandidatstater inför anslutning till Europeiska unionen, likaledes undertecknat denna slutakt:

Зa Peпублика Бьлгария

Image

Pentru România

Image

Türkiye Cumhuriyeti Adına

Image