European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2919

29.12.2023

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2023/2919

tal-21 ta’ Diċembru 2023

li jemenda r-Regolament (UE) 2022/2576 fir-rigward tal-prolongament tal-perjodu ta’ applikazzjoni tiegħu

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 122(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2576 (1) ġie adottat fid-dawl tal-kriżi tal-provvista tal-gass ikkawżata mill-gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-ħtieġa li l-Unjoni tirreaġixxi b’miżuri temporanji fi spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri. Għandu l-għan li jtaffi l-impatt fuq il-prezzijiet tal-gass billi jindirizza d-domanda u l-provvista tiegħu, filwaqt li jiżgura s-sigurtà tal-provvista fl-Unjoni kollha, u jsaħħaħ is-solidarjetà.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2022/2576 jipprovdi qafas legali temporanju fir-rigward ta’ koordinazzjoni aħjar tax-xiri tal-gass, miżuri biex jipprevjenu prezzijiet eċċessivi tal-gass u volatilità eċċessiva fl-istess jum fis-swieq tad-derivattivi tal-enerġija, u miżuri fil-każ ta’ emerġenza tal-gass.

(3)

Il-perjodu ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/2576 oriġinarjament kien limitat għat-30 ta’ Diċembru 2023.

(4)

F’konformità mal-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2022/2576, il-Kummissjoni wettqet rieżami ta’ dak ir-Regolament u fit-28 ta’ Settembru 2023 ħarġet rapport li jiġbor fil-qosor is-sejbiet ewlenin (“ir-Rapport”). Ir-Rapport ikkonkluda li r-Regolament (UE) 2022/2576 kellu rwol importanti biex tiġi stabbilizzata s-sitwazzjoni tas-suq tal-gass u tiġi żgurata provvista adegwata tal-gass lill-Unjoni, u li huwa element importanti tal-sett ta’ għodod tal-Unjoni għas-sigurtà tal-provvista tal-gass.

(5)

Ir-Regolament (UE) 2022/2576 jipprevedi l-istabbiliment rapidu ta’ servizz li jippermetti l-aggregazzjoni tad-domanda u x-xiri konġunt tal-gass u jirrikjedi li l-Istati Membri jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li l-impriżi tal-gass naturali u l-impriżi li jikkunsmaw il-gass taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom jipparteċipaw fil-proċess ta’ aggregazzjoni tad-domanda organizzat mill-fornitur tas-servizzi bħala wieħed mill-mezzi possibbli biex jintlaħqu l-miri tal-mili msemmija fir-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). L-Istati Membri u l-impriżi tal-gass naturali kif ukoll l-impriżi li jikkonsmaw il-gass ipparteċipaw b’mod effettiv fil-mekkaniżmu ta’ aggregazzjoni tad-domanda u xiri konġunt stabbilit skont ir-Regolament (UE) 2022/2576 (“AggregateEU”) u kkontribwew għall-fatt li sa Ottubru 2023 inkisbet aggregazzjoni totali ta’ 44,04 biljun metru kubu ta’ domanda għall-gass, li huwa ekwivalenti għal aktar minn tliet darbiet tal-ammonti obbligatorji għall-aggregazzjoni tad-domanda. Dan juri li AggregateEU attira interess sinifikanti mill-parteċipanti fis-suq.

(6)

Ir-Rapport ikkonkluda li AggregateEU ta opportunitajiet addizzjonali lix-xerrejja Ewropej biex jixtru l-gass mingħand fornituri affidabbli b’kundizzjonijiet kompetittivi, kif ukoll bi trasparenza tas-suq fuq id-domanda u l-provvista, u b’hekk ikkontribwixxa biex tonqos il-volatilità tas-swieq.

(7)

Fir-rigward tar-regoli ta’ sorveljanza tas-suq, ir-Regolament (UE) 2022/2576 jirrikjedi li kull ċentru tan-negozjar li fuqu jiġu nnegozjati d-derivattivi ta’ komoditajiet relatati mal-enerġija jistabbilixxi, għal kull derivattiv ta’ komoditajiet relatat mal-enerġija nnegozjat fuqu, mekkaniżmu ta’ ġestjoni tal-volatilità fl-istess jum ibbażat fuq limitu massimu u minimu tal-prezz li jiddefinixxi l-prezzijiet li ’l fuq minnhom u taħthom ma jistgħux jiġu eżegwiti l-ordnijiet (“mekkaniżmu ta’ ġestjoni tal-volatilità fl-istess jum”). Ir-Rapport sab li s-swieq tal-gass għad qed ikollhom episodji ta’ volatilità sinifikanti u li l-mekkaniżmu ta’ ġestjoni tal-volatilità fl-istess jum jista’ jkollu rwol fl-evitar ta’ żidiet eċċessivi fil-prezzijiet u fl-istabbilizzazzjoni tas-suq.

(8)

Skont ir-Regolament (UE) 2022/2576, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) għandha tipproduċi u tippubblika valutazzjonijiet ta’ kuljum tal-prezz tal-gass naturali likwifikat (LNG) u parametru referenzjarju ta’ kuljum tal-LNG abbażi tad-data tas-suq tal-LNG dwar tranżazzjonijiet li l-ACER għandha tiġbor u tipproċessa sistematikament. Il-valutazzjonijiet tal-prezz tal-LNG u l-parametru referenzjarju pprovdew lis-suq aktar trasparenza u b’hekk saħħew il-kapaċità tal-atturi tas-suq biex jiżguraw provvisti tal-LNG bi prezzijiet kompetittivi. Ir-Rapport sab li l-valutazzjonijiet tal-prezz tal-LNG u l-parametru referenzjarju kienu utli fl-istabbilizzazzjoni tas-suq.

(9)

Ir-Regolament (UE) 2022/2576 jipprevedi għadd ta’ dispożizzjonijiet dwar is-sigurtà tal-provvista u s-solidarjetà fil-każ ta’ emerġenza tal-gass biex tiġi koordinata aħjar l-organizzazzjoni tal-miżuri tas-solidarjetà tal-enerġija f’sitwazzjoni ta’ emerġenza. Il-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) 2022/2576 kkomplementa temporanjament ir-Regolament (UE) 2017/1938, b’mod partikolari billi għamel il-mekkaniżmu tas-solidarjetà applikabbli b’mod awtomatiku fin-nuqqas ta’ ftehimiet bilaterali, u billi estenda l-mekkaniżmu tas-solidarjetà għal-LNG u għall-volumi kritiċi tal-gass għall-elettriku. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) 2022/2576 jipprevedi miżuri temporanji biex inaqqas il-konsum mhux essenzjali ta’ klijenti protetti u salvagwardji għall-flussi transfruntieri. Ir-Rapport ikkonkluda li d-dispożizzjonijiet temporanji dwar is-sigurtà tal-provvista u s-solidarjetà kienu utli biex tiġi evitata u tittaffa kriżi tal-gass, u biex jiġu ffaċilitati l-isforzi għat-tnaqqis fid-domanda tal-gass.

(10)

Il-konklużjoni tar-Rapport, jiġifieri li għadhom jippersistu bosta diffikultajiet għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni għadha tapplika. Is-sitwazzjoni globali fis-suq tal-gass għadha limitata ħafna. Il-prezzijiet tal-gass għadhom b’mod konsiderevoli ogħla minn kif kienu qabel il-kriżi b’konsegwenzi inevitabbli fuq il-kapaċità tal-akkwist taċ-ċittadin tal-Unjoni u l-kompetittività tan-negozji tal-Unjoni. Il-volatilità tas-suq tal-gass hija aspett ieħor tas-sitwazzjoni attwali. L-episodji reċenti ta’ volatilità sinifikanti fis-sajf u l-ħarifa tal-2023, ikkawżati minn avvenimenti bħall-istrajk fil-faċilitajiet Awstraljani tal-LNG jew l-interruzzjoni tal-Balticconnector, juru li s-swieq għadhom fraġli u vulnerabbli għal saħansitra xokkijiet relattivament żgħar fuq id-domanda u l-provvista. Il-kriżi li għaddejja fil-Lvant Nofsani tikkostitwixxi riskju ġeopolitiku sinifikanti addizzjonali b’impatt potenzjali fuq il-prezzijiet u l-provvista tal-gass. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-biża’ tal-iskarsezza tista’ tirriżulta f’reazzjonijiet kbar b’riperkussjonijiet serji fuq il-prezzijiet.

(11)

Minħabba t-tnaqqis sinifikanti tal-importazzjonijiet mir-Russja tal-gass mill-pipelines fl-aħħar sena, id-disponibbiltà tal-provvisti tal-gass lill-Unjoni naqqsu b’mod konsiderevoli meta mqabbla mal-livelli ta’ qabel il-kriżi. Bil-livelli attwali ta’ importazzjonijiet tal-gass mill-pipelines, l-Unjoni hija mistennija tirċievi madwar 20 biljun metru kubu ta’ importazzjonijiet mill-pipelines Russi, dejjem jekk dawn l-importazzjonijiet mhux affidabbli ma jiġux interrotti għalkollox. Din iċ-ċifra kieku tkun madwar 110 biljun metru kubu inqas minn dik fl-2021. Dan it-tnaqqis jikkostitwixxi riskju li jseħħu skarsezzi tal-gass fl-Unjoni.

(12)

Is-swieq globali tal-gass bħalissa huma limitati ħafna u huma mistennija li jibqgħu hekk għal ċertu żmien. Il-provvista globali tal-LNG kibret biss b’mod modest f’dawn l-aħħar sentejn minħabba żidiet limitati fil-kapaċità ta’ likwefazzjoni, qtugħ fil-faċilitajiet ewlenin ta’ esportazzjoni u provvista dejjem tonqos ta’ sorsi ta’ gass fl-impjanti tal-LNG. Kapaċità ġdida sinifikanti ta’ likwefazzjoni tal-LNG hija mistennija li ssir operattiva biss matul l-2025. Għalhekk, l-iżbilanċi tas-suq huma mistennija li jibqgħu prekarji fil-futur immedjat. Din is-sitwazzjoni għandha konsegwenzi negattivi fuq il-prezzijiet tal-gass li, għalkemm huma aktar baxxi mill-eqqel tal-kriżi fis-sajf tal-2022, baqgħu aktar mid-doppju meta mqabbla mal-livell ta’ qabel il-kriżi.

(13)

Fid-dawl tal-kundizzjonijiet limitati attwali tas-suq, il-prezzijiet jistgħu jerġgħu jiżdiedu bħala riżultat ta’ avvenimenti mhux prevedibbli u xokkijiet f’daqqa bħall-irpiljar fid-domanda Asjatika għal-LNG, li jistgħu jnaqqsu d-disponibbiltà tal-gass fis-suq globali tal-gass, xitwa kiesħa li tista’ twassal għal żieda fid-domanda għall-gass sa 30 biljun metru kubu, kondizzjonijiet ta’ temp estrem li potenzjalment jistgħu jaffettwaw il-ħżin tal-enerġija idroelettrika u l-produzzjoni nukleari minħabba livelli baxxi tal-ilma li jwasslu għal żieda sussegwenti fid-domanda għall-ġenerazzjoni tal-enerġija li taħdem bil-gass, interruzzjonijiet ulterjuri tal-infrastrutturi kritiċi, bħall-atti ta’ sabotaġġ kontra l-pipelines NordStream f’Settembru 2022 jew l-interruzzjoni tal-pipeline Balticconnector f’Ottubru 2023, u deterjorament tal-ambjent ġeopolitiku u xenarju ta’ theddid fir-reġjuni li jipprovdu l-gass, pereżempju minħabba l-kriżi fil-Lvant Nofsani.

(14)

Minħabba l-bilanċ limitat attwali bejn il-provvista u d-domanda, anke interruzzjoni moderata fil-provvista tal-gass jew saħansitra theddida ta’ interruzzjonijiet bħal dawn jistgħu jkollhom impatt drammatiku fuq is-suq tal-gass u jistgħu jikkawżaw ħsara serja u dejjiema lill-ekonomija u liċ-ċittadini tal-Unjoni.

(15)

Il-kriżi attwali qed tesponi lill-Unjoni kollha għal riskji ta’ skarsezza tal-enerġija u għal prezzijiet għoljin tal-enerġija. Id-diffikultajiet serji persistenti li għadhom jaffettwaw is-sigurtà tal-provvista tal-gass tal-Unjoni, kif ukoll xi diffikultajiet addizzjonali ġodda, u l-livell tal-prezzijiet tal-gass jistgħu jkollhom impatt negattiv fuq is-sitwazzjoni ekonomika, il-kompetittività industrijali u l-kapaċità tal-akkwist taċ-ċittadini.

(16)

Peress li l-Unjoni hija suq uniku, skarsezza tal-gass fi Stat Membru wieħed ikollha konsegwenzi serji fl-Istati Membri l-oħra kollha minħabba l-iskarsezza fiżika fil-provvista tal-gass, il-volatilità tal-prezzijiet jew l-interruzzjoni tal-ktajjen industrijali li jirriżultaw minn restrizzjonijiet possibbli ta’ industriji speċifiċi fi Stat Membru. Barra minn hekk, fi spirtu ta’ solidarjetà, l-Istati Membri kollha jistgħu jikkontribwixxu biex ikomplu jnaqqsu r-riskji ta’ skarsezza tal-enerġija u b’hekk jgħinu biex titrażżan il-volatilità tal-prezzijiet tal-gass.

(17)

Il-prolongament tal-perjodu ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/2576 jikkostitwixxi miżura eċċezzjonali u limitata fiż-żmien, b’rispons għal diffikultajiet serji persistenti u ġodda fil-provvista tal-enerġija, li jġibu magħhom riskju ta’ kriżi imminenti. Il-prolongament inaqqas b’mod ċar il-volatilità tas-swieq u jsaħħaħ is-solidarjetà.

(18)

Il-ħtieġa li tittieħed azzjoni hija urġenti. Jekk ma jiġix prolongat il-perjodu ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/2576, li se jieqaf japplika fit-30 ta’ Diċembru 2023, jista’ jkun hemm bidliet fis-sitwazzjoni fraġli iżda stabbli li l-Unjoni rnexxielha żżomm sal-lum, u deterjorament tar-reżiljenza għal żviluppi futuri possibbli, fosthom li jirnexxilha twaqqaf għalkollox l-importazzjonijiet tal-gass mir-Russja. Prolongament tal-perjodu ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/2576 huwa wkoll konsistenti mal-Pjan REPowerEU, kif imħabbar mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha tat-18 ta’ Mejju 2022, li kellu l-għan li jipproteġi liċ-ċittadini u l-ekonomija tal-Unjoni kontra prezzijiet eċċessivi u skarsezzi fil-provvista tal-enerġija.

(19)

Il-limitazzjonijiet persistenti fil-provvista tal-enerġija jiġġustifikaw prolongament tal-perjodu ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-aggregazzjoni tad-domanda u x-xiri konġunt fir-Regolament (UE) 2022/2576, peress li jgħinu biex jiġi żgurat aċċess aktar ugwali għall-impriżi fl-Istati Membri kollha għal sorsi ta’ gass ġodda jew addizzjonali. Dawk id-dispożizzjonijiet jgħinu wkoll biex jiġu żgurati kundizzjonijiet aħjar minn dawk li kieku kienu japplikaw għall-impriżi li jixtru l-gass permezz tal-użu tal-fornitur ta’ servizzi, u b’hekk jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-provvista.

(20)

Il-prolongament tal-perjodu ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-aggregazzjoni tad-domanda u x-xiri konġunt isaħħaħ is-solidarjetà tal-Unjoni fix-xiri u d-distribuzzjoni tal-gass. Fi spirtu ta’ solidarjetà, id-disponibbiltà prolongata tal-aggregazzjoni tad-domanda u x-xiri konġunt tappoġġa b’mod partikolari lil dawk l-impriżi li qabel kienu qed jixtru l-gass biss jew prinċipalment mingħand fornituri Russi billi tgħinhom jiksbu provvisti minn fornituri alternattivi tal-gass naturali jew fornituri oħra b’kundizzjonijiet vantaġġużi.

(21)

Sabiex jiġu appoġġati l-parteċipanti fis-suq tul din ix-xitwa u fl-istaġun li jmiss tal-mili tal-ħażniet, jenħtieġ li tiġi żgurata kontinwità fit-tħaddim ta’ AggregateEU. Dan jinkludi l-possibbiltà li jiġi estiż il-kuntratt attwali mal-fornitur ta’ servizzi f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(22)

Bil-ħsieb tal-vantaġġi għall-konsumaturi, l-istabbiltà fil-prezzijiet u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, prolongament tal-perjodu ta’ applikazzjoni huwa wkoll ġustifikat fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2022/2576 li jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ ġestjoni tal-volatilità fl-istess jum u valutazzjonijiet tal-prezzijiet tal-LNG u parametru referenzjarju tal-LNG.

(23)

Fid-dawl tar-riskji persistenti għall-provvisti stabbli tal-gass imsemmijin hawn fuq, jixraq ukoll li jiġi prolongat il-perjodu ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fil-każ ta’ emerġenza tal-gass għal sena oħra, f’konformità mas-sejbiet dwar l-effett pożittiv f’dawk id-dispożizzjonijiet fir-Rapport. Il-valuri għall-volumi kritiċi tal-gass fl-Anness I jibqgħu validi għall-perjodu ta’ applikazzjoni prolongat tar-Regolament (UE) 2022/2576 sa tmiem l-2024.

(24)

L-applikazzjoni prolongata tar-Regolament (UE) 2022/2576 jenħtieġ li tkun temporanja u, jenħtieġ li tidħol fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 2023 sabiex tiġi żgurata applikazzjoni kontinwata tad-dispożizzjonijiet rilevanti, u jenħtieġ li ddum sena, sal-31 ta’ Diċembru 2024. Il-prolongament b’sena huwa meħtieġ u proporzjonat minħabba n-natura persistenti tad-diffikultajiet serji għall-provvisti tal-enerġija u r-riskji li jirriżultaw għall-prezzijiet u għas-sigurtà tal-provvista li huma mistennija jkomplu matul l-2024 kollu. B’kont meħud li l-volumi ta’ gass aggregat permezz tal-pjattaforma għall-aggregazzjoni tad-domanda sa Ottubru 2023 kienu diġa jammontaw għal tliet darbiet il-volumi meħtieġa, il-prolongazzjoni tal-perjodu ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/2576 jenħtieġ li ma tinkludix il-parteċipazzjoni mandatorja fl-aggregazzjoni tad-domanda.

(25)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2022/2576 japplika sal-31 ta’ Diċembru 2024.

(26)

Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista’ pjuttost jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

(27)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2022/2576 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) 2022/2576

Ir-Regolament (UE) 2022/2576 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 5, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-fornitur tas-servizzi biex jipprovdi l-informazzjoni kollha neċessarja għat-twettiq tal-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 7.”

;

(2)

L-Artikolu 10 huwa mħassar;

(3)

Fl-Artikolu 31, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Għandu japplika sal-31 ta’ Diċembru 2024.”;

(4)

L-Anness I huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-parti (a), in-nota (1) ta’ qiegħ il-paġna hija sostitwita b’dan li ġej:

“Iċ-ċifri fl-Anness I, il-partijiet (a) u (b), huma bbażati fuq data mill-valutazzjoni tal-adegwatezza tax-xitwa skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2019/941 min-Network Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni tal-Elettriku (ENTSO-E), ħlief għal Malta li għaliha l-ġenerazzjoni tal-elettriku tiddependi esklużivament fuq il-konsenji tal-LNG mingħajr kapaċitajiet sinifikanti tal-ħżin. Minħabba l-ispeċifiċità tal-gass b’valur kalorifiku baxx, il-valuri għan-Netherlands f’din it-tabella jenħtieġ li jiġu mmultiplikati b’fattur ta’ konverżjoni ta’ 37,89 diviż b’35,17. L-Anness I, il-parti (a), jirrappreżenta l-volumi individwali mensili kkalkulati mill-ENTSO-E għax-xhur ta’ Diċembru 2022 sa Marzu 2023; iċ-ċifri fl-Anness I, il-parti (b), għax-xhur minn April 2023 sa Diċembru 2024 jirrappreżentaw il-medja tal-valuri fil-perjodu bejn Diċembru 2022 u Marzu 2023.”;

(b)

fil-parti (b), l-intestatura hija sostitwita b’dan li ġej:

“Volumi kritiċi massimi ta’ gass għas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku skont l-Artikolu 23 għall-perjodu bejn April 2023 u Diċembru 2024 (valuri f’miljuni metri kubi):”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 2023.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Diċembru 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

P. NAVARRO RÍOS


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2576 tat-19 ta’ Diċembru 2022 li jsaħħaħ is-solidarjetà permezz ta’ koordinazzjoni aħjar tax-xiri tal-gass, parametri referenzjarji affidabbli tal-prezzijiet u skambji transfruntieri tal-gass (ĠU L 335, 29.12.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/2576/oj).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2017 dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 994/2010 (ĠU L 280, 28.10.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/1938/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1046/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2919/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)