ISSN 1725-5104

doi:10.3000/17255104.L_2010.194.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 194

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 53
24 ta' Lulju 2010


Werrej

 

I   Atti leġislattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament (UE) Nru 640/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 li jistabbilixxi programm ta’ dokumentazzjoni tal-qbid għat-tonn Thunnus thynnus u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1984/2003

1

 

*

Regolament (UE) Nru 641/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikultura fir-reġjuni l-aktar ‘il bogħod tal-Unjoni

23

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġislattivi

REGOLAMENTI

24.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 194/1


REGOLAMENT (UE) Nru 640/2010 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-7 ta’ Lulju 2010

li jistabbilixxi programm ta’ dokumentazzjoni tal-qbid għat-tonn Thunnus thynnus u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1984/2003

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-Unjoni hija Parti Kontraenti għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-10 ta’ Diċembru 1982 dwar il-Liġi tal-Baħar approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE (3), għall-Ftehim dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dik il-Konvenzjoni fir-rigward tal-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-istokk tal-ħut transżonali u ta’ ħut li jpassi ħafna ratifikat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/414/KE (4) u għall-Ftehim li jippromwovi r-rispett tal-miżuri internazzjonali ta’ konservazzjoni u ġestjoni mill-bastimenti tas-sajd fl-ibħra internazzjonali aċċettata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 96/428/KE (5). Fil-qafas ta’ dawk l-obbligi internazzjonali, l-Unjoni tipparteċipa fl-isforzi magħmula sabiex tkun żgurata ġestjoni sostenibbli tal-istokkijiet tal-ħut li jpassi ħafna.

(2)

L-Unjoni hija Parti Kontraenti għall-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (il-Konvenzjoni ICCAT) skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 86/238/KEE (6). Il-Konvenzjoni ICCAT tipprevedi qafas ta’ kooperazzjoni reġjonali dwar il-konservazzjoni u l-ġestjoni tat-tonn u speċijiet li jixbħu t-tonn fl-Oċean Atlantiku u l-ibħra ta’ madwaru billi stabbiliet Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT), u għall-adozzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet applikabbli fiż-żona tal-Konvenzjoni ICCAT li jsiru vinkolanti fuq il-Partijiet Kontraenti, il-Partijiet Mhux Kontraenti f’Koperazzjoni, entitajiet u entitajiet tas-sajd (PKK).

(3)

Ir-Rakkomandazzjonijiet ICCAT 1992-01, 1993-03, 1996-10, 1997-04, 1998-12, 03-19 u 06-15 u r-Riżoluzzjonijiet 1993-02, 1994-04 u 1994-05 dwar programm dwar dokument ta’ statistika għat-tonn ġew implimentati bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1984/2003 tat-8 ta’ April 2003 li jintroduċi sistema għall-monitoraġġ ta’ statistika tal-kummerċ fit-tonn aħmar, il-pixxispad u t-tonn alalunga fi ħdan il-Komunità (7).

(4)

Bħala parti mill-miżuri għar-regolamentazzjoni tal-istokkijiet tat-tonn, għat-titjib tal-kwalità u l-kredibilità tad-data tal-istatistika u għall-prevenzjoni, id-deterrenza u l-eliminazzjoni tas-sajd illegali, l-ICCAT, fil-laqgħa annwali tagħha f’Recife (Brażil), fil-15 ta’ Novembru 2009, adottat ir-Rakkomandazzjoni 09-11 li temenda r-Rakkomandazzjoni 08-12 dwar programm ta’ dokumentazzjoni tal-ICCAT dwar il-qbid tat-tonn. Dik ir-Rakkomandazzjoni daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2010 u jeħtieġ li tkun implimentata mill-Unjoni.

(5)

Sabiex ikun żgurat li d-dispożizzjonijiet ta’ programm ta’ dokumentazzjoni tal-ICCAT dwar il-qbid tat-tonn ikunu faċli biex jinqraw u applikati b’mod uniformi, id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 1984/2003 rigward id-dokument ta’ statistika tat-tonn tal-ICCAT u ċ-ċertifikat ta’ riesportazzjoni għandhom jitħassru. Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 1984/2003 għandu jiġi emendat kif meħtieġ.

(6)

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tat-traspożizzjoni ta’ miżuri ġodda ta’ konservazzjoni adottati mill-ICCAT, biex b’hekk ikunu aġġornati u ssupplimentati l-Annessi għal dan ir-Regolament. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell ta’ esperti,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU 1

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi programm tal-Unjoni ta’ dokumentazzjoni dwar il-qbid tat-tonn sabiex jappoġġa l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni adottati mill-Kummissjoni Internazzjoni għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT), waqt li jinkorpora d-dispożizzjonijiet tal-programm tal-ICCAT ta’ dokumentazzjoni dwar il-qbid tat-tonn bil-ħsieb li tiġi identifikata l-oriġini tat-tonn kollu.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“Tonn” tfisser ħut tal-ispeċi Thunnus thynnus li jinsab fil-kodiċijiet tan-Nomenklatura Magħquda elenkati fl-Anness I;

(b)

“Kummerċ domestiku” tfisser:

(i)

il-kummerċ, fi Stat Membru wieħed jew bejn żewġ Stati Membri jew aktar, f’tonn maqbud fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT minn bastiment tal-qbid jew nassa tal-Unjoni, li jinħatt fit-territorju tal-Unjoni; u

(ii)

il-kummerċ, fi Stat Membru wieħed jew bejn żewġ Stati Membri jew aktar, f’tonn imrobbi maqbud fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT minn bastiment tal-qbid tal-Unjoni, li jitqiegħed f’gaġġa f’farm stabbilit fit-territorju tal-Unjoni;

(ċ)

“Esportazzjoni” tfisser kull moviment lejn pajjiż terz ta’ tonn maqbud fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT minn bastiment tal-qbid jew nassa tal-Unjoni, inkluż mit-territorju tal-Unjoni, minn pajjiżi terzi jew minn żoni tas-sajd;

(d)

“Importazzjoni” tfisser l-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni, inkluż għal finijiet ta’ żamma f’gaġeġ, tismin, teħid għall-qatla jew trasbord, tat-tonn maqbud fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT minn bastiment tal-qbid jew nassa ta’ pajjiż terz;

(e)

“Riesportazzjoni” tfisser kull moviment mit-territorju tal-Unjoni tat-tonn li kien importat qabel fit-territorju tal-Unjoni;

(f)

“Żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT” tfisser iż-żona identifikata mill-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku;

(g)

“Stat Membru tal-bandiera” tfisser l-Istat Membru li l-bastiment tal-qbid qed itajjar il-bandiera tiegħu;

(h)

“Stat Membru tan-Nassa” tfisser l-Istat Membru fejn in-nassa hija stabbilita;

(i)

“Stat Membru tar-Razzett” tfisser l-Istat Membru fejn ir-razzett ikun stabbilit;

(j)

“PKK” tfisser il-Partijiet Kontraenti, il-Partijiet mhux kontraenti f’kooperazzjoni, l-entitajiet u l-entitajiet tas-sajd tal-ICCAT;

(k)

“Lott” tfisser kwantità ta’ prodotti tat-tonn tal-istess preżentazzjoni u li joriġinaw mill-istess żona ġeografika rilevanti u l-istess bastiment tas-sajd, jew grupp ta’ bastimenti tas-sajd, jew l-istess nassa tas-sajd.

KAPITOLU II

DOKUMENT TAL-QBID TAT-TONN

Artikolu 3

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu dokument tal-qbid tat-tonn (“dokument tal-qbid”) mimli għal kull tonn li jinħatt jew jiġi ttrasbordat fil-portijiet tagħhom, li jitqiegħed ġo gaġeġ kif speċifikat fl-Anness IV, u li jittieħed għall-qatla mill-irziezet tagħhom.

2.   Kull lott ta’ tonn kummerċjalizzat domestikament, importat fi, esportat jew riesportat mit-territorju tal-Unjoni għandu jkun akkumpanjat minn dokument tal-qbid validat, bl-eċċezzjoni ta’ każijiet fejn japplika l-Artikolu 4(3) u, fejn applikabbli, minn dikjarazzjoni ta’ trasferiment tal-ICCAT jew ċertifikat ta’ riesportazzjoni tat-tonn validat (“ċertifikat ta’ riesportazzjoni”).

Għandu jkun ipprojbit kwalunkwe ħatt, trasbord, tqegħid ġo gaġeġ, teħid għall-qatla, kummerċ domestiku, importazzjoni, esportazzjoni jew riesportazzjoni ta’ tonn mingħajr dokument tal-qbid mimli u validat u, fejn applikabbli, mingħajr ċertifikat ta’ riesportazzjoni.

3.   L-Istati Membri m’għandhomx iqiegħdu t-tonn ġewwa farm li mhux awtorizzat minn Stat Membru jew PKK jew li mhux elenkati fir-reġistru tal-ICCAT tal-faċilitajiet awtorizzati għat-trobbija biex joperaw fit-trobbija tat-tonn maqbud fiż-żona ta’ Konvenzjoni tal-ICCAT.

4.   L-Istati Membri tar-razzett għandhom jiżguraw li l-qabdiet tat-tonn jitqiegħdu f’gaġeġ jew serje ta’ gaġeġ separati u jinqasmu abbażi tal-Istat Membru jew PKK tal-oriġini.

5.   B’deroga mill-paragrafu 4, l-Istati Membri tar-razzett għandhom jiżguraw li t-tonn li jinqabad fil-kuntest ta’ operazzjoni konġunta tas-sajd, kif definit bl-Artikolu 2(g) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 302/2009 tas-6 ta’ April 2009 dwar pjan multi-annwali għall-irkupru tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran (8), għandu jitqiegħed f’gaġeġ jew serje ta’ gaġeġ separati u jinqasam abbażi tal-operazzjonijiet konġunti tas-sajd.

6.   L-Istati Membri tar-razzett għandhom jiżguraw li t-tonn jittieħed għall-qatla mill-irziezet fl-istess sena li jkun inqabad, jew qabel il-bidu tal-istaġun tas-sajd bil-purse seine, jekk jiġi meħud għall-qatla s-sena ta’ wara. Fejn l-operazzjonijiet ta’ teħid għall-qatla ma jispiċċawx f’dak il-perijodu, l-Istati Membri tar-razzett għandhom jimlew u jibagħtu d-dikjarazzjoni ta’ trasferiment annwali lill-Kummissjoni fi żmien għaxart ijiem mit-tmiem ta’ dak il-perijodu. Dik id-dikjarazzjoni għanda tinkludi:

il-kwantitajiet (espressi f’kg) u numru ta’ ħut maħsuba biex jiġu trasferiti,

is-sena tal-qbid,

il-kompożizzjoni tad-daqsijiet,

l-Istat Membru jew il-PKK tal-bandiera, in-numru tal-ICCAT u l-isem il-bastiment tal-qbid,

in-numri ta’ referenza tad-dokument tal-qbid li jikkorrispondi għat-trasferiment tal-qbid,

l-isem u n-numru tal-ICCAT tal-faċilità tat-tismin,

in-numru tal-gaġġa, u

l-informazzjoni dwar il-kwantitajiet meħuda għall-qatla (espressi f’kg), wara li timtela.

Il-Kummissjoni għandha tibgħat din id-dikjarazzjonijiet lis-Segretarjat tal-ICCAT fi żmien ħamest ijiem.

7.   Kwantitajiet trasferiti skont il-paragrafu 6 għandhom jitqiegħdu f’gaġeġ jew serje ta’ gaġeġ separati fir-razzett u jinqasam abbażi tas-sena tal-qbid.

8.   L-Istati Membri tal-bandiera jew tan-nassa għandhom jipprovdu formoli tad-dokument tal-qbid biss lill-bastimenti tal-qbid u lin-nases tagħhom li jkunu awtorizzati jistadu għat-tonn fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT, inkluż bħala qbid sekondarju.

9.   Kull formola tad-dokument tal-qbid għandha jkollha numru ta’ identifikazzjoni uniku għad-dokument. In-numri tad-dokumenti għandhom ikunu speċifiċi għall-Istat Membru tal-bandiera jew tan-nassa u għandhom jiġu assenjati lil kull bastiment tal-qbid jew nassa. Formoli bħal dawn m’għandhomx ikunu trasferibbli għal bastiment ieħor tal-qbid jew nassa.

10.   Il-kopji tad-dokumenti tal-qbid għandhom isegwu kull parti tal-lottijiet maqsuma jew prodott ipproċessat, bl-użu ta’ numru uniku ta’ identifikazzjoni tad-dokument tal-qbid oriġinali sabiex ikunu jistgħu jiġu intraċċati.

11.   Il-kummerċ domestiku, l-importazzjoni, l-esportazzjoni u r-riesportazzjoni ta’ partijiet tal-ħut minbarra l-laħam (jiġifieri l-irjus, l-għajnejn, il-bajd tal-ħut, l-imsaren u d-dnieb) għandhom ikunu eżenti mir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Validazzjoni

1.   Il-kaptani tal-bastimenti tal-qbid, l-operaturi tan-nases, l-operaturi tal-irziezet, il-bejjiegħa, l-esportaturi, jew ir-rappreżentanti awtorizzati tagħhom, għandhom jimlew dokument tal-qbid, elettronikament jekk ikun possibbli, billi jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa fit-taqsimiet xierqa u għandhom jitolbu l-validazzjoni tiegħu skont il-paragrafu 2 f’kull okkażjoni meta jħottu, jittrasferixxu, iqiegħdu ġo gaġġa, jieħdu għall-qatla, jittrasbordaw, jikkummerċjalizzaw domestikament jew jesportaw it-tonn.

2.   Id-dokument tal-qbid għandu jkun validat minn awtorità kompetenti tal-Istat Membru li tiegħu hija l-bandiera, in-nassa jew li fih hemm ir-razzett jew l-Istat Membru fejn huwa stabbilit il-bejjiegħ jew l-esportatur. L-Istati Membri għandhom jivvalidaw id-dokument tal-qbid għat-tonn kollu biss fejn:

(a)

bastiment tal-qbid itajjar il-bandiera tal-Istat Membru jew nassa jew razzett ikunu stabbiliti fl-Istat Membru minn fejn it-tonn ittieħed għall-qatla,

(b)

l-informazzjoni kollha misjuba fid-dokument tal-qbid ġiet stabbilita bħala waħda preċiża bħala riżultat tal-verifika tal-lott,

(ċ)

l-ammonti akkumulati biex jiġu validati ma jkunux jaqbżu l-kwoti jew ikunu fil-limiti ta’ qbid tagħhom ta’ kull sena ta’ ġestjoni, inklużi, fejn adegwat, kwoti individwali allokati lill-bastimenti tal-qbid jew lin-nases, u

(d)

it-tonn huwa konformi mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni tal-ICCAT.

3.   Il-validazzjoni taħt il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu m’għandhiex tkun meħtieġa fejn it-tonn kollu disponibbli għall-bejgħ ikun ittikkettat, kif imsemmi fl-Artikolu 5, mill-Istat Membru tal-bandiera jew tan-nassa li staduh.

4.   Fejn il-kwantitajiet tat-tonn li nqabad u nħatt ikun inqas minn tunnellata jew tliet ħutiet, il-ġurnal ta’ abbord tas-sajd jew in-nota ta’ bejgħ jistgħu jintużaw bħala dokument tal-qbid temporanju, sakemm issir il-validazzjoni tad-dokument tal-qbid fi żmien sebat ijiem u qabel il-kummerċ domestiku jew l-esportazzjoni.

5.   Dokument ta’ qbid validat għandu jinkludi, kif xieraq, l-informazzjoni stabbilita fl-Anness II.

6.   Mudell ta’ dokument tal-qbid huwa stabbilit fl-Anness III. F’każijiet fejn taqsima mill-mudell tad-dokument tal-qbid ma tipprovdix spazju biżżejjed biex jiġi rintraċċat kompletament il-moviment tat-tonn mill-qbid sal-kummerċ, it-taqsima tal-informazzjoni rilevanti tista’ tiġi mwessa’ kif meħtieġ u mehmuża bħala anness. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għandha tivvalida l-anness kemm jista’ jkun malajr, iżda mhux aktar tard mill-moviment li jkun imiss tat-tonn.

7.   L-istruzzjonijiet dwar il-ħruġ, in-numerazzjoni, il-mili, u l-validazzjoni tad-dokument tal-qbid huma stabbiliti fl-Anness IV.

Artikolu 5

Tikkettar

1.   L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-bastimenti tal-qbid jew in-nases tagħhom jittikkettaw kull tonn, preferibbilment fil-ħin li jinqatlu, iżda mhux aktar tard minn meta jinħattu. It-tikketti għandu jkollhom numri uniċi speċifiċi tal-Istat Membru u jkunu reżistenti għat-tbagħbis. Għandu jkun hemm rabta bejn in-numru tat-tikketta u d-dokument tal-qbid.

2.   Sintesi tal-implimentazzjoni tal-programm ta’ ttikkettar għandha tkun ippreżentata lill-Kummissjoni mill-Istati Membri konċernati. Il-Kummissjoni għandha tibgħat is-sintesijiet lis-Segretarjat tal-ICCAT f’perijodu ta’ żmien raġonevoli.

3.   L-użu tat-tikketti għandu jkun awtorizzat biss meta l-ammonti totali tal-qbid ma jkunux qabżu l-kwoti jew il-limiti tal-qbid tal-Istati Membri għal kull sena ta’ ġestjoni, inklużi, fejn xieraq, kwoti individwali allokati lill-bastimenti jew lin-nases tal-qbid.

KAPITOLU III

ĊERTIFIKAT TA’ RIESPORTAZZJONI TAT-TONN

Artikolu 6

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull lott ta’ tonn li jiġi riesportat mit-territorju tagħhom ikun akkumpanjat minn ċertifikat ta’ riesportazzjoni validat.

Iċ-ċertifikat ta’ riesportazzjoni m’għandux japplika f’każijiet fejn it-tonn imrobbi jiġi importat ħaj.

2.   L-operatur responsabbli mir-riesportazzjoni għandu jimla ċ-ċertifikat ta’ riesportazzjoni billi jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa fit-taqsimiet xierqa tiegħu u jitlob il-validazzjoni tiegħu sabiex il-lott tat-tonn jiġi riesportat. Iċ-ċertifikat ta’ riesportazzjoni mimli għandu jkun akkumpanjat minn kopja tad-dokument(i) ta’ qbid validat(i) relatat(i) mat-tonn li kien ġie importat qabel.

Artikolu 7

Validazzjoni tar-riesportazzjoni

1.   Iċ-ċertifikat ta’ riesportazzjoni għandu jkun validat mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tar-riesportazzjoni.

2.   L-awtorità kompetenti għandha tivvalida ċ-ċertifikat ta’ riesportazzjoni għall-prodotti tat-tonn kollha biss meta:

(a)

jkun stabbilit li l-informazzjoni kollha fiċ-ċertifikat ta’ riesportazzjoni tkun preċiża,

(b)

id-dokument(i) tal-qbid validat(i) ppreżentat(i) b’appoġġ għaċ-ċertifikat ta’ riesportazzjoni ġew aċċettati għall-importazzjoni tal-prodotti dikjarati fuq iċ-ċertifikat ta’ riesportazzjoni,

(ċ)

il-prodotti li jkunu ser jiġu riesportati jkunu kompletament jew parzjalment l-istess prodotti li jidhru fuq id-dokument(i) tal-qbid validat(i), u

(d)

kopja tad-dokument(i) tal-qbid tkun/ikunu mehmuż(a) maċ-ċertifikat ta’ riesportazzjoni.

3.   Iċ-ċertifikat ta’ riesportazzjoni validat għandu jinkludi l-informazzjoni stabbilita fl-Anness V.

KAPITOLU IV

KOMUNIKAZZJONI U VERIFIKA

Artikolu 8

Komunikazzjoni u konservazzjoni tad-dokumenti validati

1.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw, b’mezzi elettroniċi, kopja tad-dokumenti tal-qbid jew taċ-ċertifikati ta’ riesportazzjoni validati kollha, bl-eċċezzjoni tal-każijiet fejn japplika l-Artikolu 4(3), kemm jista’ jkun malajr, u fi kwalunkwe każ fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol mid-data ta’ validazzjoni, jew mingħajr dewmien fejn it-tul ta’ żmien mistenni tat-trasport m’għandux ikun ta’ aktar minn ħamest ijiem ta’ xogħol, lil dawn li ġejjin:

(a)

il-Kummissjoni,

(b)

l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew PKK fejn it-tonn ser ikun kummerċjalizzat domestikament, jew imrobbi jew importat, u

(ċ)

is-Segretarjat tal-ICCAT.

2.   L-Istati Membri għandhom iżommu kopji tad-dokumenti ta’ qbid u taċ-ċertifikati ta’ riesportazzjoni validati maħruġa jew irċevuti għal mill-inqas sentejn.

Artikolu 9

Verifika

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jidentifikaw kull lott tat-tonn li jinħatt, jiġi ttrasbordat, ikun kummerċjalizzat domestikament fi, jew ikun importat fit-territorju jew esportat jew riesportat mit-territorju tagħhom. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jitolbu u jeżaminaw id-dokument(i) tal-qbid validat(i) u d-dokumentazzjoni relatata ta’ kull lott tat-tonn. L-eżami għandu jinkludi l-konsultazzjoni tad-database dwar il-validazzjoni miżmuma mis-Segretarjat tal-ICCAT.

2.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu wkoll jeżaminaw il-kontenut tal-lott sabiex jivverifikaw l-informazzjoni li tinsab fuq id-dokument tal-qbid u f’dokumenti relatati u, fejn meħtieġ, għandhom iwettqu l-verifiki mal-operaturi konċernati.

3.   Jekk, bħala riżultat tal-eżamijiet jew verifiki mwettqa skont il-paragrafi 1 u 2, joħroġ xi dubju dwar l-informazzjoni li tinsab f’xi dokument tal-qbid, l-Istati Membri għandhom jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti li vvalidaw id-dokument(i) tal-qbid jew iċ-ċertifikat(i) ta’ riesportazzjoni biex jitneħħew dubji bħal dawn.

4.   Jekk Stat Membru jidentifika lott mingħajr dokument tal-qbid, għandu jinnotifika is-sejbiet tiegħu lill-Istat Membru li bagħat il-lott, jew lill-PKK li qed jesporta u, fejn ikun magħruf, lill-Istat Membru tal-bandiera jew lill-PKK tal-bandiera.

5.   Sakemm isiru l-eżamijiet jew il-verifiki skont il-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri m’għandhomx jagħtu r-rilaxx lill-lott għall-kummerċ domestiku, l-importazzjoni jew l-esportazzjoni, u lanqas, fil-każ ta’ tonn ħaj destinat għall-irziezet, m’għandhom jaċċettaw id-dikjarazzjoni tat-trasferiment.

6.   Fejn Stat Membru, bħala riżultat tal-eżamijiet jew verifiki skont il-paragrafu 1 u f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet ta’ validazzjoni konċernati, jiddetermina li dokument tal-qbid jew ċertifikat ta’ riesportazzjoni huwa invalidu, għandhom ikunu pprojbiti l-kummerċ domestiku, l-importazzjoni, l-esportazzjoni jew ir-riesportazzjoni tal-lott tat-tonn konċernat.

KAPITOLU V

TRASMISSJONI TAD-DATA

Artikolu 10

Informazzjoni dwar il-validazzjoni u l-punti ta’ kuntatt

1.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni:

(a)

l-isem u l-indirizz komplut tal-awtoritajiet tagħhom kompetenti għall-validazzjoni tad-dokumenti tal-qbid jew iċ-ċertifikati tar-riesportazzjoni,

(b)

l-isem, it-titlu u l-kampjun tat-timbru jew tas-siġill tal-uffiċjali li jivvalidaw li ngħataw il-poter individwalment, u

(ċ)

kif xieraq, kampjuni tat-tikketti.

2.   In-notifika għandha tindika d-data li fiha l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tieħu effett. Dettalji aġġornati dwar l-awtoritajiet u l-uffiċjali ta’ validazzjoni għandhom ikunu komunikati lill-Kummissjoni fi żmien xieraq.

3.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-punti ta’ kuntatt li għandhom ikunu infurmati meta jkun hemm mistoqsijiet relatati mad-dokumenti tal-qbid jew maċ-ċertifikati ta’ riesportazzjoni, b’mod partikolari, isimhom.

4.   Il-Kummissjoni għandha tgħaddi fil-pront din l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT.

Artikolu 11

Rapport annwali dwar il-programm

1.   Sal-15 ta’ Settembru ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni, b’mezzi elettroniċi, rapport tal-programm li jinkludi l-informazzjoni stabbilita fl-Anness VI, li jkopri l-perijodu mill-1 ta’ Lulju tas-sena ta’ qabel sat-30 ta’ Ġunju ta’ dik is-sena

2.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi r-rapport annwali tal-programm tal-Unjoni u tikkomunikah lis-Segretarjat tal-ICCAT, sal-1 ta’ Ottubru ta’ kull sena.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 12

Emendi għall-Annessi

Sabiex jiġu applikati l-miżuri ta’ konservazzjoni adottati mill-ICCAT, il-Kummissjoni tista’ temenda, permezz ta’ atti delegati f’konformità mal-Artikolu 13 u soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 14 u 15, l-Annessi għal dan ir-Regolament.

Fl-adozzjoni ta’ dawn l-atti delegati, il-Kummissjoni għandha taġixxi f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 13

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħat ta’ adozzjoni tal-atti delegati msemmija fl-Artikolu 12 għandhom jingħataw lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin wara 14 ta' Awwissu 2010. Il-Kummissjoni għandha tagħmel rapport fir-rigward tas-setgħat delegati mhux aktar tard minn sitt xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħat għandha tiġġedded awtomatikament għal perijodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jirrevokaha skont l-Artikolu 14.

2.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika dan fl-istess ħin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

3.   Is-setgħat ta’ adozzjoni ta’ atti delegati huma mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 14 u 15.

Artikolu 14

Revoka tad-delega

1.   Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikolu 12 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.

2.   L-istituzzjoni li tkun bdiet proċedura interna biex tiddeċiedi jekk tirrevokax id-delega tas-setgħat għandha tagħmel ħilitha biex tinforma lill-istituzzjonijiet l-oħra u lill-Kummissjoni fi żmien raġonevoli qabel tittieħed id-deċiżjoni finali.

3.   Id-deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħat speċifikati f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tieħu effett immedjatament jew f’data aktar tard speċifikata fiha. M’għandhiex taffettwa l-validità tal-atti delegati diġà fis-seħħ. Għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 15

Oġġezzjonijiet għal atti delegati

1.   Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att delegat f’perijodu ta’ xahrejn mid-data tan-notifika.

Fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill dan il-perijodu ta’ żmien għandu jiġi estiż b’xahrejn.

2.   Jekk, mal-iskadenza ta’ dak il-perijodu, la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu oġġezzjonaw għall-att delegat dan għandu jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu jidħol fis-seħħ fid-data msemmija fih.

3.   Jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal att delegat, dan m’għandux jidħol fis-seħħ. L-istituzzjoni li toġġezzjona għandha tispjega r-raġunijiet għall-oġġezzjoni għall-att delegat.

Artikolu 16

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 1984/2003

1.   Ir-Regolament (KE) Nru 1984/2003 huwa emendat kif ġej:

(a)

fit-titolu, il-kliem “tonn aħmar” huma mħassra;

(b)

fl-Artikolu 1(a), il-kliem “tonn aħmar (Thunnus thynnus)” huma mħassra;

(ċ)

fl-Artikolu 2, il-kliem “tonn aħmar” huma mħassra;

(d)

fl-Artikolu 3, il-punt (a) huwa jitħassar;

(e)

fl-Artikolu 4(1) l-ewwel inċiż huwa mħassar;

(f)

fl-Artikolu 4(2)(b)(iii), il-kliem “tonn aħmar” huma mħassra;

(g)

fl-Artikolu 5(1) l-ewwel inċiż huwa mħassar;

(h)

fl-Artikolu 6(1), it-tieni paragrafu, il-punt (a) huwa mħassar;

(i)

fl-Artikolu 8(a), il-kliem “tonn aħmar” huwa mħassar;

(j)

fl-Artikolu 9(2), il-punt (a) huwa mħassar;

(k)

l-Annessi I, IVa, IX u XV huma b’dan revokati.

2.   Ir-referenzi għad-dispożizzjonijiet mħassra tar-Regolament (KE) Nru 1984/2003 għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 17

Reviżjoni

Il-Kummissjoni għandha tirrevedi dan ir-Regolament wara r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-ICCAT, b’kont meħud tal-opinjonijiet xjentifiċi aġġornati dwar id-daqs tal-istokkijiet li jiġu ppreżentati fil-laqgħat tagħha, u għandha tippreżenta proposti għal kwalunkwe emenda li tista’ tkun meħtieġa.

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-7 ta’ Lulju 2010.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

O. CHASTEL


(1)  Opinjoni tas-17 ta’ Marzu 2010 (għada mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Ġunju 2010 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 2010.

(3)  ĠU L 179, 23.6.1998, p. 1.

(4)  ĠU L 189, 3.7.1998, p. 14.

(5)  ĠU L 177, 16.7.1996, p. 24.

(6)  ĠU L 162, 18.6.1986, p. 33.

(7)  ĠU L 295, 13.11.2003, p. 1.

(8)  ĠU L 96, 15.4.2009, p. 1.


ANNESS I

PRODOTTI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 2(a)

Deskrizzjoni tal-Oġġetti

Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda (1)

Tonn ħaj (Thunnus thynnus)

0301 94 00

Tonn (Thunnus thynnus), frisk jew imkessaħ minbarra l-fletti u laħam ieħor

0302 35 10

Tonn sħiħ (Thunnus thynnus), frisk jew imkessaħ minbara l-fletti u laħam ieħor barra dak destinat għall-manifattura industrijali ta' ħut ippreparat jew ippreservat

0302 35 90

Tonn (Thunnus thynnus), iffriżat, minbarra l-fletti u laħam ieħor destinat għall-manifattura industrijali ta' ħut ippreparat jew ippreservat

0303 45 11

Tonn (Thunnus thynnus), iffriżat, li tneħħewlu l-garġi u hu mnaddaf minbarra l-fletti u laħam ieħor destinat għall-manifattura industrijali ta' ħut ippreparat jew ippreservat

0303 45 13

Tonn (Thunnus thynnus), iffriżat, minbarra meta jkun sħiħ jew mingħajr garġi u mnaddaf minbarra l-fletti u laħam ieħor destinat għall-manifattura industrijali ta' ħut ippreparat jew ippreservat

0303 45 19

Tonn (Thunnus thynnus), iffriżat, minbarra l-fletti u laħam ieħor barra dak destinat għall-manifattura industrijali ta' ħut ippreparat jew ippreservat

0303 45 90

Fletti tat-tonn (Thunnus thynnus) friski jew imkessħa

ex 0304 19 39

Laħam ieħor minbarra l-fletti tat-tonn (Thunnus thynnus) frisk jew imkessaħ

ex 0304 19 39

Fletti u laħam ieħor tat-tonn (Thunnus thynnus) iffriżati

ex 0304 29 45

Laħam ieħor tat-tonn (Thunnus thynnus)

ex 0304 99 99

Fletti tat-tonn (Thunnus thynnus), imnixxfin, immelħa jew fis-salmura iżda mhux affumikati

ex 0305 30 90

Tonn affumikat (Thunnus thynnus) inklużi l-fletti

ex 0305 49 80

Tonn imnixxef (Thunnus thynnus) immellaħ jew mhux iżda mhux affumikat

ex 0305 59 80

Tonn (Thunnus thynnus) immellaħ iżda mhux imnixxef jew affumikat u fis-salmura

ex 0305 69 80

Tonn (Thunnus thynnus) sħiħ jew imqatta’ f’biċċiet iżda mhux ikkapuljat, ippreparat jew ippreservat fiż-żejt veġetali

ex 1604 14 11

Tonn (Thunnus thynnus) sħiħ jew imqatta’ f’biċċiet iżda mhux ikkapuljat, ippreparat jew ippreservat ħlief fiż-żejt veġetali u fi fletti magħrufa bħala qatgħat (loins)

ex 1604 14 16

Tonn (Thunnus thynnus) sħiħ jew imqatta’ f’biċċiet iżda mhux ikkapuljat, ippreparat jew ippreservat ħlief fiż-żejt veġetali u ħlief fi fletti magħrufa bħala qatgħat

ex 1604 14 18

Tonn (Thunnus thynnus) minbarra tonn sħiħ jew imqatta’ f’biċċiet imma mhux ikkapuljat, ippreparat jew ippreservat

ex 1604 20 70


(1)  L-Anness 1 għar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS II

DATA LI GĦANDHA TKUN INKLUŻA FID-DOKUMENT TAL-QBID TAT-TONN

1.   Numru tad-dokument tal-qbid tat-tonn tal-ICCAT

2.   Informazzjoni dwar il-qbid

Deskrizzjoni tal-bastiment jew tan-nassa

Isem tal-bastiment tal-qbid jew tan-nassa

Stat tal-bandiera jew tan-nassa

Numru ta’ reġistrazzjoni tal-ICCAT tal-bastimenti jew tan-nases (jekk applikabbli)

Deskrizzjoni tal-qbid

Data, żona tal-qbid u rkaptu użat

Għadd ta’ ħut, piż sħiħ totali, u piż medju (1)

Numru tat-Tikketta (jekk applikabbli)

Numru ta’ reġistrazzjoni tal-ICCAT ta’ operazzjonijiet konġunti tas-sajd (jekk applikabbli)

Validazzjoni tal-Gvern

Isem tal-awtorità u l-firmatarju, titlu, firma, siġill u data

3.   Informazzjoni dwar il-kummerċ għall-kummerċ ta’ ħut ħaj

Deskrizzjoni tal-prodott

Piż ħaj totali, ammont ta’ ħut, żona tal-qbid

Informazzjoni dwar l-esportatur/il-bejjiegħ

Punt ta’ esportazzjoni jew tluq

Isem tal-kumpannija tal-esportazzjoni, indirizz, firma u data

Razzett (isem u Numru tal-ICCAT) u Stat tad-destinazzjoni

Deskrizzjoni tal-mezz ta’ trasport (id-dokumenti rilevanti għandhom ikunu mehmuża)

Informazzjoni dwar l-importatur/ix-xerrej

Punt ta’ importazzjoni jew destinazzjoni

Isem tal-kumpannija tal-importazzjoni, l-indirizz, il-firma u d-data tal-firma

Validazzjoni tal-Gvern

Isem tal-awtorità u l-firmatarju, titlu, firma, siġill u data

4.   Informazzjoni dwar it-trasferiment

Deskrizzjoni tal-bastiment tal-irmonk

Numru tad-dikjarazzjoni tat-trasferiment tal-ICCAT

L-isem u l-bandiera tal-bastiment

Numru ta’ reġistrazzjoni tal-ICCAT u numru tal-gaġġa tal-irmonk (jekk applikabbli)

Għadd ta’ ħut li miet matul it-trasferiment, il-piż totali

5.   Informazzjoni dwar it-trasbord

Deskrizzjoni tal-bastiment tal-ġarr

Isem

Stat tal-bandiera

Numru ta’ Reġistrazzjoni tal-ICCAT

Data

Port (l-isem u l-pajjiż jew il-pożizzjoni)

Deskrizzjoni tal-prodott

(F/FR; RD/GG/DR/FL/OT)

Piż totali (NETT)

Validazzjoni tal-Gvern

Isem tal-awtorità u l-firmatarju, titlu, firma, siġill u data

6.   Informazzjoni dwar it-trobbija

Deskrizzjoni tal-faċilità tat-trobbija

L-isem, l-Istat Membru tar-razzett

Numru FFB tal-ICCAT u s-sit tar-razzett

Parteċipazzjoni fil-programm nazzjonali ta’ kampjunar (iva jew le)

Deskrizzjoni tal-gaġġa

Data meta l-ħut tqiegħed fil-gaġġa, numru tal-gaġġa

Deskrizzjoni tal-ħut

Estimi tal-għadd ta’ ħut, il-piż totali, u l-piż medju (2)

Informazzjoni dwar l-Osservatur Reġjonali tal-ICCAT

Isem, numru tal-ICCAT, firma

Kompożizzjoni stmata tad-daqsijiet (< 8 kg, 8-30 kg, > 30 kg)

Validazzjoni tal-Gvern

Isem tal-awtorità u l-firmatarju, titlu, firma, siġill u data

7.   Informazzjoni dwar it-teħid għall-qatla

Deskrizzjoni tat-teħid għall-qatla

Data tat-teħid għall-qatla

Għadd ta’ ħut, il-piż sħiħ totali u l-piż medju

Numri tat-tikketti (jekk applikabbli)

Informazzjoni dwar l-Osservatur Reġjonali tal-ICCAT

Isem, numru tal-ICCAT, firma

Validazzjoni tal-Gvern

Isem tal-awtorità u l-firmatarju, titlu, firma, siġill u data

8.   Informazzjoni dwar il-kummerċ

Deskrizzjoni tal-prodott

(F/FR; RD/GG/DR/FL/OT (fejn jiġu reġistrati tipi differenti ta’ prodotti f’din it-taqsima, il-piż għandu jkun reġistrat għal kull tip ta’ prodott)

Piż totali (NETT)

Informazzjoni dwar l-esportatur/il-bejjiegħ

Punt tal-esportazzjoni jew tat-tluq

Isem tal-kumpannija tal-esportazzjoni, l-indirizz, il-firma u d-data

Stat tad-destinazzjoni

Deskrizzjoni tal-mezz ta’ trasport (id-dokumenti rilevanti għandhom ikunu mehmuża)

Validazzjoni tal-Gvern

Isem tal-awtorità u l-firmatarju, titlu, firma, siġill u data

Informazzjoni dwar l-importatur/ix-xerrej

Punt ta’ importazzjoni jew destinazzjoni

Isem tal-kumpannija tal-importazzjoni, indirizz, firma u data tal-firma


(1)  Il-piż għandu jkun irrappurtat bil-piż totali fejn disponibbli. Jekk ma jintużax il-piż totali, speċifika t-tip ta’ prodott (eż. GG) fit-taqsima “Piż Totali” u “Piż Medju” tal-formola.

(2)  Il-piż għandu jkun irrappurtat bil-piż totali fejn disponibbli. Jekk ma jintużax il-piż totali, speċifika t-tip ta’ prodott (eż. GG) fit-taqsima “Piż Totali” u “Piż Medju” tal-formola.


ANNESS III

MUDELL TA’ DOKUMENT TAL-QBID TAT-TONN TAL-ICCAT

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS IV

Istruzzjonijiet għall-ħruġ, in-numerazzjoni, l-mili u l-validazzjoni tad-dokument tal-qbid

1.   PRINĊIPJI ĠENERALI

(1)   Lingwa

Jekk fil-mili tad-dokument tal-qbid tintuża lingwa oħra li mhix lingwa uffiċjali tal-ICCAT (Ingliż, Franċiż u Spanjol), miegħu għandha tiġi mehmuża t-traduzzjoni Ingliża.

(2)   Numerazzjoni

L-Istati Membri iridu jiżviluppaw sistemi ta’ numerazzjoni uniċi għad-dokumenti tal-qbid li jużaw il-kodiċi tal-pajjiż b’żewġ ittri ISO tagħhom flimkien ma’ numru li jikkonsisti mill-inqas minn tmien ċifri, li mill-inqas żewġ ċifri għandhom jindikaw is-sena tal-qbid.

Eżempju: FR-09-123456 (fejn FR tirreferi għal Franza)

Fil-każ ta’ lottijiet maqsuma jew prodotti pproċessati, il-kopji tad-dokumenti tal-qbid iridu jiġu nnumerati billi n-numru tad-dokument tal-qbid oriġinali jiġi supplimentat b’numru b’żewġ ċifri.

Eżempju: FR-09-123456-01, FR-09-123456-02, FR-09-123456-03, eċċ.

In-numerazzjoni għandha tkun sekwenzjali u prefiribbilment stampata. In-numri tas-serje ta’ dokumenti tal-qbid vojta maħruġa għandhom jiġu reġistrati skont l-isem tad-destinarju.

(3)   Validazzjoni

Il-mudell tad-dokument tal-qbid m’għandux jitqies bħala sostitut għall-awtorizzazzjoni minn qabel għat-trasferiment jew l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid f’gaġeġ.

2.   INFORMAZZJONI DWAR IL-QBID

(1)   Mili

(a)   Prinċipji ġenerali

Din it-taqsima hija applikabbli għall-qabdiet kollha tat-tonn.

Il-kaptan tal-bastiment tal-qbid jew l-operatur tan-nases jew ir-rappreżentant awtorizzat tagħhom jew ir-rappreżentant awtorizzat tal-Istat Membru tal-bandiera jew tan-nassa huwa responsabbli għall-mili u t-talba għall-validazzjoni tat-taqsima tal-INFORMAZZJONI DWAR IL-QBID.

It-taqsima tal-INFORMAZZJONI DWAR IL-QBID għandha timtela l-aktar tard sa tmiem l-ewwel trasferiment għal ġo gaġeġ irmunkati, operazzjoni ta’ trasbord jew ta’ ħatt.

NB: fil-każ ta’ operazzjonijiet konġunti tas-sajd, il-kaptan ta’ kull bastiment tal-qbid involut fl-operazzjoni konġunta tas-sajd għandu jimla d-dokument tal-qbid għal kull qabda.

(b)   Istruzzjonijiet speċifiċi

“BANDIERA”: indika l-Istat Membru tal-bandiera jew tan-nassa.

“Numru ta’ Reġistrazzjoni tal-ICCAT”: indika n-numru tal-ICCAT tal-bastiment tal-qbid jew tan-nassa awtorizzati jistadu għat-tonn fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT. Din l-informazzjoni mhijiex applikabbli għall-bastimenti tal-qbid li jistadu għat-tonn bħala qbid sekondarju.

“RKAPTU”: indika l-irkaptu tas-sajd li juża l-kodiċijiet li ġejjin

BB Boil-lixka

GILL Għeżula

HAND Xlief tal-idejn

HARP Foxna

LL Konz

MWT Xbieki tat-tkarkir f’nofs l-ilma

PS Purse Seine

RR Qasba u rukkell

SURF Sajd tal-wiċċ mhux ikklassifikat

TL Xlief ikkurat

TRAP Nassa

TROL Troll

UNCL Metodi mhux speċifikati

OT Oħrajn

“PIŻ TOTALI”: indika l-piż sħiħ f’kilogrammi. Jekk il-piż sħiħ ma jintużax fil-ħin tal-qabda, indika t-tip ta’ prodott (eż. GG). Fil-każ ta’ operazzjonijiet konġunti tas-sajd, il-kwantità rrappurtata għandha tikkorrispondi mal-kodiċi ta’ allokazzjoni ddefinit għal kull bastiment tal-qbid.

“ŻONA”: indika jekk hux il-Mediterran, l-Atlantiku tal-Punent jew l-Atlantiku tal-Lvant.

“Numru tat-Tikketti (jekk applikabbli)”: jistgħu jiżdiedu linji addizzjonali biex ikun permess l-elenkar ta’ kull numru tat-tikketti għal kull ħuta individwali.

(2)   Validazzjoni

L-Istat Membru tal-bandiera jew tan-nassa huwa responsabbli għall-validazzjoni tat-taqsima tal-INFORMAZZJONI DWAR IL-QBID sakemm it-tonn ma jkunx ittikkettat f’konformità mal-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament.

Għall-ħut li nħatt jew li ġie trasbordat, il-validazzjoni għandha sseħħ mhux aktar tard mit-tmiem tal-operazzjoni tat-trasbord jew tal-ħatt.

Għal ħut ħaj trasferit, il-validazzjoni tista’ sseħħ fil-ħin tal-ewwel trasferiment għal ġo gaġeġ irmunkati, iżda għandha sseħħ fi kwalunkwe każ mhux aktar tard mit-tmiem tal-operazzjoni tat-tqegħid fil-gaġeġ.

3.   INFORMAZZJONI DWAR IL-KUMMERĊ GĦALL-KUMMERĊ ta’ ĦUT ĦAJ

(1)   Mili

(a)   Prinċipji ġenerali:

Din it-taqsima hija applikabbli biss għall-kummerċ domestiku u l-esportazzjoni tat-tonn ħaj.

Il-kaptan tal-bastiment tal-qbid jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu jew ir-rappreżentant awtorizzat tal-Istat Membru tal-bandiera huwa responsabbli għall-mili u t-talba għall-validazzjoni tat-taqsima tal-INFORMAZZJONI DWAR IL-KUMMERĊ GĦALL-KUMMERĊ ta’ ĦUT ĦAJ.

It-taqsima tal-INFORMAZZJONI DWAR IL-KUMMERĊ GĦALL-KUMMERĊ ta’ ĦUT ĦAJ għandha timtela mhux aktar tard minn tmiem l-ewwel trasferiment għal ġo gaġeġ irmunkati.

NB: meta kwantità ta’ ħut imut matul l-operazzjoni tat-trasferiment u jiġi kkummerċjalizzat u esportat domestikament, id-dokument tal-qbid oriġinali (it-taqsima tal-INFORMAZZJONI DWAR IL-QBID mimlija u, fejn applikabbli, ivvalidata) irid jiġi kkopjat, u t-taqsima tal-INFORMAZZJONI DWAR IL-KUMMERĊ tad-dokument tal-qbid ikkopjat trid timtela mill-kaptan tal-bastiment tal-qbid jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu jew ir-rappreżentant awtorizzat tal-Istat Membru tal-bandiera u trasmessa lix-xerrej/importatur domestiku. Il-validazzjoni tal-kopja tiggarantixxi li hija kopja awtentika u li ġiet irreġistrata mill-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat.

Mingħajr tali validazzjoni, kwalunkwe kopja tad-dokument tal-qbid tkun nulla u bla effett.

(b)   Istruzzjonijiet speċifiċi:

“ŻONA”: indika ż-żona ta’ trasferiment, jekk hux il-Mediterran, l-Atlantiku tal-Punent jew l-Atlantiku tal-Lvant.

“PUNT ta’ ESPORTAZZJONI/TLUQ”: indika l-Istat Membru jew l-isem tal-PKK taż-żona tas-sajd fejn ikun ġie ttrasferit it-tonn jew inkella indika “ibħra internazzjonali”.

“DESKRIZZJONI TAT-TRASPORT”: ehmeż kwalunkwe dokument rilevanti li jiċċertifika l-kummerċ.

(2)   Validazzjoni

L-Istat Membru tal-bandiera m’għandux jivvalida d-dokumenti tal-qbid meta t-taqsima tal-INFORMAZZJONI DWAR IL-QBID ma tkunx imtliet u, fejn applikabbli, ġiet ivvalidata.

Il-validazzjoni tista’ sseħħ fil-ħin tal-ewwel trasferiment għal ġo gaġeġ irmunkati, iżda fi kwalunkwe każ għandha sseħħ mhux aktar tard mit-tmiem tal-operazzjoni tat-tqegħid fil-gaġeġ.

4.   INFORMAZZJONI DWAR IT-TRASFERIMENT

(1)   Mili

(a)   Prinċipji ġenerali:

Din it-taqsima hija applikabbli biss għat-tonn ħaj.

Il-kaptan tal-bastiment tal-qbid jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu jew ir-rappreżentant awtorizzat tal-Istat Membru tal-bandiera huwa responsabbli għall-mili tat-taqsima tal-INFORMAZZJONI DWAR IT-TRASFERIMENT.

It-taqsima tal-INFORMAZZJONI DWAR IT-TRASFERIMENT trid timtela mhux aktar tard minn tmiem l-ewwel operazzjoni ta’ trasferiment.

Fi tmiem l-ewwel operazzjoni ta’ trasferiment, il-kaptan tal-bastiment tal-qbid għandu jipprovdi d-dokument tal-qbid (it-taqsimiet tal-INFORMAZZJONI DWAR IL-QBID, l-INFORMAZZJONI DWAR IL-KUMMERĊ GĦALL-KUMMERĊ ta’ ĦUT ĦAJ u l-INFORMAZZJONI DWAR IT-TRASFERIMENT mimlijin u, fejn applikabbli, ivvalidati) lill-kaptan tal-bastiment tal-irmunkar.

Id-dokument tal-qbid mimli u, fejn applikabbli, ivvalidat għandu jakkumpanja t-trasferiment tal-ħut matul it-trasport għar-razzett, inkluż it-trasferiment ta’ tonn ħaj mill-gaġġa tat-trasport għal gaġġa tat-trasport oħra jew it-trasport ta’ tonn mejjet mill-gaġġa tat-trasport għal bastiment awżiljarju.

NB: meta xi ħut imut matul l-operazzjoni tat-trasport, id-dokument tal-qbid oriġinali (it-taqsimiet tal-INFORMAZZJONI DWAR IL-QBID, l-INFORMAZZJONI DWAR IL-KUMMERĊ GĦALL-KUMMERĊ ta’ ĦUT ĦAJ u l-INFORMAZZJONI DWAR IT-TRASFERIMENT mimlijin u, fejn applikabbli, ivvalidati) għandu jiġi kkopjat, u t-taqsima tal-INFORMAZZJONI DWAR IL-KUMMERĊ tad-dokument tal-qbid ikkopjat għandha timtela mill-bejjiegħ/esportatur domestiku jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu jew ir-rappreżentant awtorizzat tal-Istat Membru tal-bandiera u trasmessa lix-xerrej/importatur domestiku. Il-validazzjoni tal-kopja tiggarantixxi li hija kopja awtentika u li ġiet irreġistrata mill-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat. Mingħajr tali validazzjoni, kwalunkwe kopja tad-dokument tal-qbid tkun nulla u bla effett.

(b)   Istruzzjonijiet speċifiċi:

“Nru ta’ ĦUT MEJJET MATUL IT-TRASFERIMENT” u “PIŻ TOTALI ta’ ĦUT MEJJET”: informazzjoni mimlija (jekk applikabbli) mill-kaptan tal-bastiment tal-irmunkar.

“Nru tal-GAĠĠA”: indika in-numru ta’ kull gaġġa fil-każ ta’ bastiment tal-irmunkar li jkollu aktar minn gaġġa waħda.

(2)   Validazzjoni

Il-validazzjoni ta’ din it-taqsima mhijiex meħtieġa.

5.   INFORMAZZJONI DWAR IT-TRASBORD

(1)   Mili

(a)   Prinċipji ġenerali:

Din it-taqsima hija applikabbli biss għat-tonn mejjet.

Il-kaptan tal-bastiment tas-sajd tat-trasbord jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu jew ir-rappreżentant awtorizzat tal-Istat Membru tal-bandiera huwa responsabbli għall-mili u t-talba għall-validazzjoni tat-taqsima tal-INFORMAZZJONI DWAR IT-TRASBORD.

It-taqsima tal-INFORMAZZJONI DWAR IT-TRASBORD għandha timtela mhux aktar tard minn tmiem l-operazzjoni ta’ trasbord.

(b)   Istruzzjonijiet speċifiċi:

“DATA”: indika d-data tat-trasbord.

“ISEM TAL-PORT”: indika l-port tat-trasbord magħżul.

“STAT TAL-PORT”: indika l-Istat Membru jew il-PKK tal-port tat-trasbord magħżul.

(2)   Validazzjoni

L-Istat Membru tal-bandiera m’għandux jivvalida d-dokumenti tal-qbid meta t-taqsima tal-INFORMAZZJONI DWAR IL-QBID ma tkunx imtliet u, fejn applikabbli, ġiet ivvalidata.

Il-validazzjoni għandha sseħħ mhux aktar tard minn tmiem l-operazzjoni ta’ trasbord.

6.   INFORMAZZJONI DWAR IT-TROBBIJA

(1)   Mili

(a)   Prinċipji ġenerali:

Din it-taqsima hija applikabbli biss għat-tonn ħaj imqiegħed ġo gaġeġ.

Il-kaptan tal-bastiment tal-irmunkar għandu jipprovdi d-dokument tal-qbid (it-taqsimiet tal-INFORMAZZJONI DWAR IL-QBID, l-INFORMAZZJONI DWAR IL-KUMMERĊ GĦALL-KUMMERĊ ta’ ĦUT ĦAJ u l-INFORMAZZJONI DWAR IT-TRASFERIMENT mimlijin u, fejn applikabbli, ivvalidati) lill-operatur tar-razzett fil-ħin tat-tqegħid ġo gaġeġ.

L-operatur tar-razzett jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu jew ir-rappreżentant awtorizzat tal-Istat Membru tar-razzett huwa responsabbli għall-mili u t-talba għall-validazzjoni tat-taqsima tal-INFORMAZZJONI DWAR IR-RAZZETT.

It-taqsima tal-INFORMAZZJONI DWAR IR-RAZZETT għandha timtela mhux aktar tard minn tmiem l-operazzjoni tat-tqegħid f’gaġeġ.

(b)   Istruzzjonijiet speċifiċi:

“Nru tal-GAĠĠA”: indika n-numru ta’ kull gaġġa.

“Informazzjoni dwar l-Osservatur Reġjonali tal-ICCAT”: indika l-isem, in-numru tal-ICCAT u l-firma.

(2)   Validazzjoni

L-Istat Membru tar-razzett huwa responsabbli għall-validazzjoni tat-taqsima tal-INFORMAZZJONI DWAR IR-RAZZETT.

L-Istat Membru tar-razzett m’għandux jivvalida d-dokumenti tal-qbid meta t-taqsimiet tal-INFORMAZZJONI DWAR IL-QBID, l-INFORMAZZJONI DWAR IL-KUMMERĊ GĦALL-KUMMERĊ ta’ ĦUT ĦAJ u l-INFORMAZZJONI DWAR IT-TRASFERIMENT ma jkunux imtlew u, fejn applikabbli, ġew ivvalidati.

Il-validazzjoni għandha sseħħ mhux aktar tard minntmiem l-operazzjoni tat-tqegħid ġo gaġeġ.

7.   INFORMAZZJONI DWAR IT-TEĦID GĦALL-QATLA

(1)   Mili

(a)   Prinċipji ġenerali:

Din it-taqsima hija applikabbli biss għat-tonn imrobbi li jkun miet.

L-operatur tar-razzett jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu jew ir-rappreżentant awtorizzat tal-Istat Membru tar-razzett huwa responsabbli għall-mili u t-talba għall-validazzjoni tat-taqsima tal-INFORMAZZJONI DWAR IT-TEĦID GĦALL-QATLA.

It-taqsima tal-INFORMAZZJONI DWAR IT-TEĦID GĦALL-QATLA għandha timtela mhux aktar tard minn tmiem l-operazzjoni tat-teħid għall-qatla.

(b)   Istruzzjonijiet speċifiċi:

“Numru tat-TIKKETTI (jekk applikabbli)”: jistgħu jiżdiedu linji addizzjonali biex ikun permess l-elenkar ta’ kull numru ta’ tikketta għal kull ħuta individwali.

“Informazzjoni dwar l-Osservatur Reġjonali tal-ICCAT”: indika l-isem, in-numru tal-ICCAT u l-firma.

(2)   Validazzjoni

L-Istat Membru tar-razzett huwa responsabbli għall-validazzjoni tat-taqsima tal-INFORMAZZJONI DWAR IT-TEĦID GĦALL-QATLA.

L-Istat Membru tar-razzett m’għandux jivvalida d-dokumenti tal-qbid meta t-taqsimiet tal-INFORMAZZJONI DWAR IL-QBID, l-INFORMAZZJONI DWAR IL-KUMMERĊ GĦALL-KUMMERĊ ta’ ĦUT ĦAJ, l-INFORMAZZJONI DWAR IT-TRASFERIMENT u l-INFORMAZZJONI DWAR IT-TROBBIJA ma jkunux imtlew u, fejn applikabbli, ġew ivvalidati.

Il-validazzjoni għandha sseħħ mhux aktar tard minn tmiem l-operazzjoni tat-teħid għall-qatla.

8.   INFORMAZZJONI DWAR IL-KUMMERĊ

(1)   Mili

(a)   Prinċipji ġenerali:

Din it-taqsima hija applikabbli għall-kummerċ jew l-esportazzjoni domestiċi ta’ tonn mejjet.

Il-bejjiegħ jew l-esportatur domestiku jew ir-rappreżentant awtorizzat tagħhom jew ir-rappreżentant awtorizzat tal-Istat Membru tal-bejjiegħ/l-esportatur huwa responsabbli għall-mili u t-talba għall-validazzjoni tat-taqsima tal-INFORMAZZJONI DWAR IL-KUMMERĊ, ħlief is-sub-taqsima tal-IMPORTATUR/XERREJ.

It-taqsima tal-INFORMAZZJONI DWAR IL-KUMMERĊ, ħlief is-sub-taqsima tal-IMPORTATUR/XERREJ, għandha timtela qabel ma l-ħut jiġi kkumerċjalizzat jew esportat domestikament.

Fil-każ tal-kummerċ domestiku, is-sub-taqsima tal-IMPORTATUR/XERREJ għandha timtela mix-xerrej domestiku wara li l-ħut ikun ġie kkumerċjalizzat domestikament.

Fil-każ tal-kummerċ internazzjonali, is-sub-taqsima tal-IMPORTATUR/XERREJ għandha timtela mill-importatur.

(b)   Istruzzjonijiet speċifiċi:

“DESKRIZZJONI TAT-TRASPORT”: ehmeż kwalunkwe dokument rilevanti li jiċċertifika l-kummerċ.

(2)   Validazzjoni

L-Istat Membru tax-xerrej/esportatur huwa responsabbli għall-validazzjoni tat-taqsima tal-INFORMAZZJONI DWAR IL-KUMMERĊ (ħlief is-sub-taqsima tal-IMPORTATUR/XERREJ) sakemm it-tonn ma jkunx ittikkettat f’konformità mal-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament.

NB: f’każijiet meta aktar minn kummerċ jew esportazzjoni domestika waħda jirriżultaw minn dokument wieħed tal-qbid, kopja tad-dokument tal-qbid oriġinali għandha tiġi vvalidata mill-Istat Membru tal-bejjiegħ jew l-esportatur domestiku u għandha tintuża u tiġi aċċettata bħala dokument tal-qbid oriġinali. Il-validazzjoni tal-kopja tiggarantixxi li hija kopja awtentika u li ġiet irreġistrata mill-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat. Mingħajr tali validazzjoni, kwalunkwe kopja tad-dokument tal-qbid tkun nulla u bla effett.

NB: F’każijiet ta’ riesportazzjoni, iċ-ĊERTIFIKAT ta’ RIESPORTAZZJONI għandu jintuża għall-ittraċċar ta’ aktar attivitajiet, li jridu jkunu relatati mal-informazzjoni tad-dokument tal-qbid oriġinali permezz tan-numru tad-dokument tal-qbid oriġinali.

Meta t-tonn jinqabad minn bastiment tal-qbid jew nassa li jtajjar il-bandiera jew li jkun stabbilit fi Stat Membru jew PKK li juża s-sistema tal-ittikkettar, imbagħad jiġi esportat mejjet u riesportat, id-dokument tal-qbid li jakkumpanja ċ-ĊERTIFIKAT ta’ RIESPORTAZZJONI m’għandux għalfejn jiġi vvalidat. Madankollu, ċ-ĊERTIFIKAT ta’ RIESPORTAZZJONI għandu jiġi vvalidat.

Wara l-importazzjoni, tonn jista’ jinqasam f’diversi biċċiet, li mbagħad jistgħu sussegwentement jiġu esportati. F’dan il-każ, l-Istat Membru tar-riesportazzjoni jew PKK għandhom jikkonfermaw li l-biċċa riesportata hija parti mill-ħuta oriġinali akkumpanjata mid-dokument tal-qbid.


ANNESS V

DATA LI GĦANDHA TKUN INKLUŻA FIĊ-ĊERTIFIKAT TA’ RIESPORTAZZJONI TAT-TONN TAL-ICCAT

1.   Numru tad-dokument taċ-ċertifikat ta’ riesportazzjoni

2.   Taqsima dwar ir-riesportazzjoni

Stat Membru li qed jirriesporta

Punt tar-riesportazzjoni

3.   Deskrizzjoni tat-tonn importat

Tip ta’ prodott F/FR RD/GG/DR/FL/OT (meta jiġu reġistrati tipi differenti ta’ prodotti f’din it-taqsima, il-piż għandu jkun reġistrat għal kull tip ta’ prodott)

Piż nett (kg)

Numru/i tad-dokument tal-qbid u d-data/i tal-importazzjoni

Bandiera/Bnadar tal-bastiment(i) tas-sajd jew l-Istat tal-istabbiliment tan-nassa, fejn xieraq

4.   Deskrizzjoni tat-tonn li ser ikun riesportat

Tip ta’ prodott F/FR RD/GG/DR/FL/OT (meta jiġu reġistrati tipi differenti ta’ prodotti f’din it-taqsima, il-piż għandu jkun reġistrat għal kull tip ta’ prodott)

Piż nett (kg)

Numru/i tad-dokument tal-qbid korrispondenti mit-taqsima 3

Stat tad-destinazzjoni

5.   Dikjarazzjoni ta’ min ser jirriesporta

Isem

Indirizz

Firma

Data

6.   Validazzjoni mill-awtoritajiet

Isem u indirizz tal-awtorità

Isem u pożizzjoni tal-uffiċjal

Firma

Data

Siġill tal-Gvern

7.   Taqsima dwar l-importazzjoni

Dikjarazzjoni mill-importatur fl-Istat Membru jew PKK tal-importazzjoni tal-lott tat-tonn

Isem u indirizz tal-importatur

Isem u firma tar-rappreżentant tal-importatur u d-data

Punt tal-importazzjoni: Belt u PKK

Nota – Kopji tad-dokument(i) tal-qbid u d-Dokument(i) tat-trasport għandhom ikunu mehmuża

Image

Test ta 'immaġni

NOTA: JEKK TINTUŻA LINGWA OĦRA LI MHIJIEX L-INGLIŻ SABIEX TIMTELA DIN IL-FORMULA JEKK JOGĦĠBOK EĦMEŻ IT-TRADUZZJONI INGLIŻA ma’ DAN ID-DOKUMENT

* Għandhom ikunu mehmuża dokumenti validi tat-trasport u kopji tal-BCD.


ANNESS VI

RAPPORT DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM TAD-DOKUMENTAZZJONI TAL-ICCAT DWAR IL-QBID TAT-TONN

L-Istat Membru li jirrapporta:

Perijodu ta’ referenza: mill-1 ta’ Lulju [2XXX] sat-30 ta’ Ġunju [2XXX]

1.   Informazzjoni meħuda mid-dokumenti ta’ qbid

l-għadd ta’ dokumenti tal-qbid validati,

l-għadd ta’ dokumenti tal-qbid validati riċevuti minn Stati Membri jew PKK,

l-ammont totali ta’ tonn ikkumerċjalizzat domestikament, skont iż-żona tas-sajd u l-irkaptu tas-sajd,

l-ammont totali ta’ tonn importat, esportat, trasferit lejn l-irziezet, riesportat skont il-PKK tal-oriġini, tar-riesportazzjoni jew tad-destinazzjoni, iż-żoni tas-sajd u l-irkaptu tas-sajd,

l-għadd ta’ verifiki ta’ dokumenti tal-qbid mitluba minn Stati Membri oħra jew PKK u sinteżi tar-riżultati,

l-għadd ta’ verifiki ta’ dokumenti tal-qbid mitluba minn Stati Membri oħra jew PKK u sinteżi tar-riżultati,

l-ammont totali tal-lottijiet ta’ tonn soġġetti għal deċiżjoni ta’ projbizzjoni b’analiżi tal-istatistika skont il-prodotti, in-natura tal-operazzjoni (kummerċ domestiku, importazzjoni, esportazzjoni, riesportazzjoni, trasferiment lejn l-irziezet), raġunijiet għal projbizzjoni u l-Istati Membri, il-PKK u/jew il-Partijiet mhux Kontraenti tal-oriġini jew tad-destinazzjoni.

2.   Informazzjoni dwar il-lottijiet skont l-Artikolu 9(1) u (2) ta’ dan ir-Regolament

l-għadd ta’ lottijiet,

l-ammont total ta’ tonn b’analiżi tal-istatistika skont il-prodott, in-natura tal-operazzjoni (kummerċ domestiku, importazzjoni, esportazzjoni, riesportazzjoni, trasferiment lejn l-irziezet), l-Istati Membri, il-PKK jew pajjiżi oħra msemmija fl-Artikolu 9(1) u (2) ta’ dan ir-Regolament.


24.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 194/23


REGOLAMENT (UE) Nru 641/2010 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-7 ta’ Lulju 2010

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikultura fir-reġjuni l-aktar ‘il bogħod tal-Unjoni

Il-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 42, 43(2) u 349 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-Artikolu 4(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006 (3) ippermetta, għal perijodu ta’ erba’ snin, li jintbagħat iz-zokkor mill-Azores lill-bqija tal-Unjoni fi kwantitajiet li jaqbżu l-flussi tradizzjonali. Waqt li hu rikonoxxut li d-diversifikazzjoni tal-agrikoltura fl-Azores tista’ tkun ta’ vantaġġ, u bl-intenzjoni li, konsegwentement, tiġi ffaċilitata tali diversifikazzjoni, b’mod partikulari fir-rigward tat-tneħħija gradwali tas-sistema tal-kwoti tal-ħalib, jeħtieġ li jittieħdu l-miżuri xierqa għall-appoġġ tar-ristrutturar tas-settur taz-zokkor f’dak ir-reġjun. Għal dan il-għan, sabiex l-industrija lokali għall-ipproċessar taz-zokkor titħalla tkun vijabbli, huwa xieraq li jiġi permess li z-zokkor jerġa’ jintbagħat fi kwantitajiet li jaqbżu l-flussi tradizzjonali għal perijodu limitat ta’ ħames snin u li jkun soġġett għal kwantitajiet annwali li jitnaqqsu progressivament.

(2)

L-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 247/2006 jipprovdi eżenzjoni, fil-limitu tal-istima tal-bilanċ tal-provvista, mid-dazji tal-importazzjoni għall-provvista ta’ zokkor tal-kannamieli lill-Azores, lil Madeira u lill-Gżejjer Kanarji għall-perijodu stipulat fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/2001 tad-19 ta’ Ġunju 2001 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (4). Wara r-riforma taz-zokkor u l-inkorporazzjoni tas-settur taz-zokkor fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (5), id-dispożizzjonjiet tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 247/2006 għandhom jiġu adattati. Partikolarment, l-Azores għandhom jiġu awtorizzati li jibbenefikaw mill-eżenzjoni mid-dazji tal-importazzjoni fuq iz-zokkor tal-kannamieli mhux raffinat fil-limitu tal-istima tagħhom tal-bilanċ tal-provvista.

(3)

L-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 247/2006 jipprevedi perijodu tranżitorju li matulu l-Gżejjer Kanarji jistgħu jkomplu jirċievu provvisti ta’ kwantitajiet predeterminati ta’ preparazzjonijiet abbażi tal-ħalib li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 1901 90 99 u 2106 90 92 intenzjonati għall-proċessar industrijali. Dan il-perijodu tranżitorju skada fil-31 ta’ Diċembru 2009. Madankollu, il-prodott li jaqa’ fil-kodiċi NM 1901 90 99 – trab tal-ħalib xkumat b’xaħam veġetali – sar prodott tradizzjonali għall-konsumaturi lokali, fosthom dawk l-aktar fil-bżonn. Il-provvista tiegħu ġġenerat industrija speċifika lokali li tiżgura l-impjiegi u l-valur miżjud. Għalhekk, huwa xieraq li l-provvista ta’ dan il-prodott speċifiku, li jintuża għall-konsum lokali biss, ma tiqafx.

(4)

Il-punt (f) tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 247/2006 isemmi dispożizzjonijiet għal verifiki u penali fil-programmi Komunitarji ta’ appoġġ għar-reġjuni l-aktar ‘il bogħod li għandhom jiġu ppreżentati mill-Istati Membri lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni. Fid-dawl tal-esperjenza miksuba mill-Kummissjoni u biex jiġi żgurat li tali programmi ta’ appoġġ ikunu implimentati b’mod effikaċi u xieraq, huwa neċessarju li jitneħħew ir-referenzi għal verifiki u penali mill-punt (f) tal-Artikolu 12 ta’ dak ir-Regolament. Madankollu, dawn il-miżuri nazzjonali għandhom jibqgħu jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 27 ta’ dak ir-Regolament.

(5)

L-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 247/2006 jiddetermina regoli dwar l-applikabbiltà ta’ regoli speċjali għas-settur tal-inbid fir-reġjuni l-aktar ‘il bogħod tal-Unjoni. L-organizzazzjoni komuni tas-suq fl-inbid ġiet emendata mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 tad-29 ta’ April 2008 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid (6) u sussegwentament ġiet inkorporata fir-Regolament (KE) Nru 1234/2007. Għalhekk jeħtieġ li r-referenzi għal dawn il-miżuri jiġu aġġornati. Barra minn dan, l-Artikolu 85u(7) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 fih eżenzjoni espliċita għall-Azores, Madeira u l-Gżejjer Kanarji mill-iskema għall-qlugħ tad-dwieli. Għalhekk, mhuwiex meħtieġ li din l-eżenzjoni tibqa’ tissemma fir-Regolament (KE) Nru 247/2006.

(6)

It-tieni subparagrafutal-Artikolu 18(2) tar-Regolament (KE) Nru 247/2006 jipprevedi l-eliminazzjoni gradwali, sal-31 ta’ Diċembru 2013, tal-għelieqi tad-dwieli mħawla b’varjetajiet projbiti ta’ dwieli ibridi ta’ produtturi diretti fl-Azores u f’Madeira. It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 18(2) ta’ dak ir-Regolament jobbliga lill-Portugall li jinnotifika kull sena bil-progress li sar fil-konverżjoni u r-ristrutturazzjoni taż-żoni mħawla b’dawn il-varjetajiet ta’ dwieli. Dawn id-dispożizzjonijiet huma aktar stretti mir-regoli stipulati fl-Artikolu 120a(5) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, jiġifieri li l-varjetajiet projbiti ta’ dwieli ibridi ta’ produtturi diretti għandhom jinqalgħu ħlief meta l-inbid li jsir minnhom ikun intenzjonat biss għall-familji tal-produttur tal-inbid. Għalhekk id-data tal-31 ta’ Diċembru 2013 fl-Artikolu 18(2) ║ tar-Regolament (KE) Nru 247/2006 għandha titħassar sabiex tiġi eliminata l-inugwaljanza fit-trattament bejn ir-reġjuni tal-Azores u Madeira fuq naħa u l-bqija tal-Unjoni fuq in-naħa l-oħra.

(7)

Minkejja l-iżvilupp riċenti fil-produzzjoni tal-ħalib lokali fid-dipartiment Franċiż extra-Ewropew ta’ Réunion, il-ħtieġa attwali għal-ħalib tax-xorb għall-konsum fil-gżira għadu mhux kopert biżżejjed. Barra minn dan, id-distanza u l-insularità ta’ dan ir-reġjun ma jippermettux sorsi oħra ta’ ħalib mhux ipproċessat. Konsegwentement, l-awtorizzazzjoni għall-produzzjoni ta’ ħalib UHT rikostitwit minn trab tal-ħalib ta’ oriġini mill-Unjoni, mogħtija lill-Madeira bl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(4) tar-Regolament (KE) Nru 247/2006, għandha tiġi estiża għal Réunion.

(8)

Il-kondizzjonijiet għal estensjoni ulterjuri tal-produzzjoni tal-ħalib lokali tar-reġjuni extra-Ewropej, li jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(4) tar-Regolament (KE) Nru 247/2006, huma limitati ħafna minħabba t-topografija tal-gżejjer ikkonċernati. Minkejja li jibqa’ l-obbligu li jiġi żgurat il-ġbir u t-tqassim għall-produzzjoni tal-ħalib lokali, huwa xieraq li jitneħħa l-obbligu tal-Kummissjoni, previst fit-tieni subparagrafu ta’ dak l-Artikolu, li tiġi stabbilita rata ta’ inkorporazzjoni għall-ħalib frisk prodott lokalment.

(9)

L-applikazzjoni retroattiva tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament mill-1 ta’ Jannar 2010 għandha tiżgura kontinwità fil-miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni l-aktar ‘il bogħod tal-Unjoni u għandha tissodisfa wkoll l-aspettattivi leġittimi tal-operaturi kkonċernati.

(10)

Ir-Regolament (KE) Nru 247/2006 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 247/2006 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 4(3) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   B’deroga mill-paragrafu 2(a), il-kwantitajiet massimi ta’ zokkor li ġejjin (kodiċi NM 1701) jistgħu jintbagħtu kull sena mill-Azores lill-bqija tal-Unjoni għal perijodu ta’ ħames snin:

:

fl-2011

:

3 000 tunnellata,

:

fl-2012

:

2 500 tunnellata,

:

fl-2013

:

2 000 tunnellata,

:

fl-2014

:

1 500 tunnellata,

:

fl-2015

:

1 000 tunnellata.”;

(2)

L-Artikolu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 5

Zokkor

1.   Matul il-perijodu stipulat fl-Artikolu 204(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat- 22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (*), iz-zokkor li ġej, prodott oltre l-kwota msemmija fl-Artikolu 61 ta’ dak ir-Regolament, għandu jiġi eżentat mid-dazji tal-importazzjoni fil-limiti tal-istima tal-bilanċ tal-provvista msemmija fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament:

(a)

iz-zokkor mixtri għall-konsum f’Madeira jew fil-Gżejjer Kanarji fil-forma ta’ zokkor abjad li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 1701;

(b)

iz-zokkor raffinat u kkunsmat fl-Azores fil-forma ta’ zokkor mhux maħdum li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 1701 12 10 (zokkor tal-pitravi għar-raffinar).

2.   Fl-Azores, għall-għanijiet ta’ raffinar, il-kwantitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jiġu ssupplimentati, fil-limitu tal-istima tal-bilanċ tal-provvista, b’zokkor mhux maħdum li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 1701 11 10 (zokkor tal-kannamieli għar-raffinar). Meta jkunu qed jiġu stabbiliti r-rekwiżiti ta’ zokkor mhux maħdum fl-Azores, għandu jitqies l-iżvilupp tal-produzzjoni lokali taz-zokkor tal-pitravi. Il-kwantitajiet koperti mill-arranġamenti ta’ provvista għandhom ikunu stabbiliti b’tali mod li jiġi żgurat li l-volum totali taz-zokkor raffinat fl-Azores kull sena ma jaqbiżx l-10 000 tunnellata.

(*)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.”;"

(3)

L-Artikolu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 6

Preparazzjonijiet abbażi tal-ħalib

B’deroga mill-Artikolu 2, il-Gżejjer Kanarji jistgħu jibqgħu jirċievu provvisti ta’ preparazzjonijiet abbażi tal-ħalib li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 1901 90 99 (trab tal-ħalib xkumat b’xaħam veġetali) maħsuba għall-ipproċessar industrijali sa 800 tunnellata kull sena. L-għajnuna mogħtija mill-Unjoni għal provvisti ta’ dan il-prodott ma tistax taqbeż EUR 210 għal kull tunnellata u għandha tkun inkluża fil-limitu stipulat fl-Artikolu 23. Dan il-prodott għandu jintuża biss għall-konsum lokali.”;

(4)

Fl-Artikolu 12, il-punt (f) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(f)

il-passi meħuda biex jiġi żgurat li l-programmi huma implimentati b’mod effettiv u xieraq, inklużi l-arranġamenti għall-pubbliċità, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni, u sett speċifikat ta’ indikaturi kwantifikati għall-użu fl-evalwazzjoni tal-programm.”;

(5)

L-Artikolu 18 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 18

Inbid

1.   Il-miżuri msemmija fl-Artikoli 103v, 103w, 103x u 182a tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 m’għandhomx japplikaw għall-Azores u Madeira.

2.   Minkejja l-Artikolu 120a(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, l-għeneb li ġej minn varjetajiet projbiti ta’ dwieli ibridi ta’ produtturi diretti (Noah, Othello, Isabelle, Jacquez, Clinton u Herbemont) maħsuda fl-Azores u f’Madeira jista’ jintuża għall-produzzjoni ta’ inbid li jrid jibqa’ f’dawk ir-reġjuni.

Il-Portugall għandu jelimina gradwalment l-għelieqi tad-dwieli mħawla b’varjetajiet projbiti ta’ dwieli ibridi ta’ produtturi diretti, bl-appoġġ, fejn xieraq, previst mill-Artikolu 103q tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

3.   Il-miżuri msemmija fl-Artikoli 103v, 103w u 103y tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 m’għandhomx japplikaw għall-Gżejjer Kanarji.”;

(6)

l-Artikolu 19(4) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Minkejja l-Artikolu 114(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, il-produzzjoni f’Madeira u fid-dipartiment Franċiż extra-Ewropew ta’ Réunion ta’ ħalib UHT rikostitwit minn trab tal-ħalib li joriġina fl-Unjoni għandha tiġi awtorizzata fil-limiti tal-ħtiġijiet tal-konsum lokali, sakemm din il-miżura ma tfixkilx il-ħalib prodott lokalment milli jinġabar u jsib suq. Dan il-prodott għandu jintuża biss għall-konsum lokali.

Il-metodu li bih il-ħalib UHT hekk rikostitwit ikun inkiseb għandu jkun indikat b’mod ċar fuq it-tikketta tal-bejgħ.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2010.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-7 ta’ Lulju 2010.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

O. CHASTEL


(1)  Opinjoni tas-17 ta’ Marzu 2010 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Mejju 2010 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 2010

(3)  ĠU L 42, 14.2.2006, p. 1.

(4)  ĠU L 178, 30.6.2001, p. 1.

(5)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(6)  ĠU L 148, 6.6.2008, p. 1.