ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 123

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 64
9 ta' April 2021


Werrej

Paġna

 

III   Atti preparatorji

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

Il-557 Sessjoni Plenarja tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew JDE62 – Interactio, 27.1.2021–28.1.2021

2021/C 123/01

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Rapport tal-2019 dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni(COM(2020) 302 final)

1

2021/C 123/02

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew[COM(2020) 569 final — 2020/260 NLE]

7

2021/C 123/03

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro[COM(2020) 746 final]

12

2021/C 123/04

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil[COM(2020) 609 final]

15

2021/C 123/05

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Nixprunaw Ekonomija Newtrali għall-Klima: Strateġija tal-UE dwar l-Integrazzjoni tas-Sistema tal-Enerġija[COM(2020) 299 final]

22

2021/C 123/06

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija għall-idroġenu għal Ewropa newtrali għall-klima(COM(2020) 301 final)

30

2021/C 123/07

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 fir-rigward tal-eżenzjoni temporanja mir-regoli dwar l-użu tas-slots fl-ajruporti tal-Komunità minħabba l-pandemija tal-COVID-19(COM(2020) 818 final — 2020/0358 (COD))

37

2021/C 123/08

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Approċċ ġdid tal-istrateġija marittima għall-Atlantiku — Pjan ta’ azzjoni għall-Atlantiku 2.0 — Pjan ta’ azzjoni għal ekonomija blu sostenibbli, reżiljenti u kompetittiva fiż-żona tal-Atlantiku tal-Unjoni Ewropea[COM(2020) 329]

42

2021/C 123/09

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: It-tisħiħ tal-ambizzjoni klimatika tal-Ewropa għall-2030 — Ninvestu f’futur newtrali għall-klima għall-benefiċċju tal-popli tagħna[COM(2020) 562 final]

59

2021/C 123/10

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali(COM(2020) 642 final — 2020/0289 (COD))

66

2021/C 123/11

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi programm ta’ dokumentazzjoni tal-qbid għat-tonn (Thunnus thynnus) u li jirrevoka r-Regolament (UE) Nru 640/2010[COM(2020) 670 final – 2020/0302 (COD)]

72

2021/C 123/12

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2030(COM(2020)652 final — 2020/0300 (COD))

76

2021/C 123/13

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-livell minimu ta’ taħriġ tal-baħħara (kodifikazzjoni)[COM(2020) 739 final — 2020/0329 (COD)]

80

2021/C 123/14

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni li jiżguraw konnettività bażika tat-trasport tal-merkanzija bit-triq u tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni msemmi fil-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika[COM(2020) 826 final — 2020/0362 (COD)]

81

2021/C 123/15

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni li jiżguraw konnettività bażika fit-trasport bl-ajru wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni msemmi fil-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika[COM(2020) 827 final — 2020/0363 (COD)]

82

2021/C 123/16

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti aspetti tas-sikurezza tal-avjazzjoni fir-rigward ta’ tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni msemmi fil-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika[COM(2020) 828 final — 2020/0364 (COD)]

83

2021/C 123/17

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri speċifiċi u temporanji fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 dwar it-tiġdid jew l-estensjoni ta’ ċerti ċertifikati, liċenzji u awtorizzazzjonijiet u l-posponiment ta’ ċerti kontrolli perjodiċi u taħriġ perjodiku f’ċerti oqsma tal-leġiżlazzjoni dwar it-trasport, għal perjodi ta’ referenza sussegwenti għal dawk imsemmija fir-Regolament (UE) 2020/698[COM(2021) 25 final — 2021/0012 (COD)]

84

2021/C 123/18

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2017/2403 f’dak li għandu x’jaqsam mal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fl-ilmijiet tar-Renju Unit u għall-operazzjonijiet tal-bastimenti tas-sajd tar-Renju Unit fl-ilmijiet tal-Unjoni(COM(2020) 830 final — 2020/0366 COD)

85

2021/C 123/19

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/971/KE fir-rigward tal-ekwivalenza ta’ materjal riproduttiv tal-foresti prodott fir-Renju Unit għal materjal bħal dan prodott fl-Unjoni[COM(2020) 852 final — 2020/0378 (COD)]

86

2021/C 123/20

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2003/17/KE u 2005/834/KE fir-rigward tal-ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post u tal-ekwivalenza tal-kontrolli fuq il-prattiki għaż-żamma tal-varjetajiet ta’ speċijiet ta’ pjanti agrikoli mwettqa fir-Renju Unit[COM(2020) 853 final — 2020/0379 (COD)]

87


MT

 


III Atti preparatorji

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Il-557 Sessjoni Plenarja tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew JDE62 – Interactio, 27.1.2021–28.1.2021

9.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Rapport tal-2019 dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni”

(COM(2020) 302 final)

(2021/C 123/01)

Relatur:

Gonçalo LOBO XAVIER

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 12.8.2020

Bażi legali

L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

11.12.2020

Adottata fil-plenarja

27.1.2021

Sessjoni plenarja Nru

557

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

230/0/6

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ r-rapport tal-2019 tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni, li fih il-Kummissjoni Ewropea tiżviluppa approċċ li għandu l-għan li jsaħħaħ is-suq uniku, u jippromovi l-iżvilupp ekonomiku u l-għanijiet tal-politika soċjali li huma essenzjali għall-proċess tal-iżvilupp Ewropew.

1.2.

Kif enfasizza f’diversi dokumenti preċedenti, il-KESE jikkunsidra li politika tal-kompetizzjoni effettiva u li tirrispetta l-prinċipji hija wieħed mill-pilastri tal-Unjoni Ewropea u għodda essenzjali biex jintlaħaq suq intern, skont it-Trattat dwar il-Funzjonament l-Unjoni Ewropea, u biex tinbena ekonomija soċjali tas-suq u jiġi implimentat il-Pilastru Soċjali, f’konformità mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) (1). Dawn il-punti għadhom attwali.

1.3.

Il-KESE jaqbel li l-Kummissjoni Ewropea għandha ssaħħaħ il-kompetizzjoni fi swieq li huma importanti għaċ-ċittadini u n-negozji tal-UE, bħas-setturi diġitali u tat-telekomunikazzjonijiet, l-enerġija u l-ambjent, il-manifattura, is-servizzi finanzjarji, it-tassazzjoni, l-agrikoltura, l-ikel u t-trasport. Dawn il-miżuri għandhom jipprovdu l-kunfidenza lill-konsumaturi u jiddefinixxu b’mod ċar il-kundizzjonijiet adatti biex il-kumpaniji joperaw. Il-pass tat-tibdil ekonomiku u soċjali huwa mgħaġġel ħafna. Huwa urġenti u neċessarju aġġustament kontinwu lejn ekonomija moderna, sostenibbli, ekoloġika u diġitali, u l-politika tal-kompetizzjoni hija essenzjali għal din il-kisba.

1.4.

L-isfidi l-ġodda u kostanti li jirriżultaw mill-użu ta’ data, algoritmi u swieq qed jevolvu malajr f’ambjent li qiegħed isir dejjem aktar diġitali. Bħala riżultat, in-networks ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea jeħtieġ li jsiru aktar robusti sabiex tinżamm kompetizzjoni ġusta fis-suq uniku. Għalhekk l-UE trid iżżomm il-pass mal-era diġitali, u l-KESE huwa konxju tal-ħtieġa ta’ bidliet u jħeġġeġ li jkun hemm l-adattament meħtieġ. Il-KESE jemmen bis-sħiħ li s-suq diġitali u l-pjattaformi online huma parti minn ekonomija ġdida li hija kruċjali għall-Ewropa iżda li hemm ukoll il-ħtieġa li jiġu stabbiliti regoli ċari u ġusti għall-partijiet interessati kollha.

1.5.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-ħtieġa li jinħolqu fuq bażi kontinwa l-kundizzjonijiet ekonomiċi u politiċi biex tingħata spinta lit-tkabbir tal-SMEs f’kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni li jippermettu wkoll il-parteċipazzjoni ta’ kumpaniji kbar fil-proċess ekonomiku. L-Ewropa trid titqies bħala żona ekonomika b’saħħitha li tippermetti kompetizzjoni ġusta u regoli ċari għall-atturi kollha.

1.6.

Fir-rigward tal-kompetizzjoni ma’ kumpaniji li mhumiex fl-UE, il-KESE jappella biex jiġu garantiti l-istess regoli soċjali u ambjentali sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni. L-Ewropa ma jistax ikollha approċċi differenti għall-istess sfidi. U l-Ewropa ma tistax tkun “inġenwa” rigward il-politika tal-kompetizzjoni.

1.7.

Il-KESE jappoġġja l-miżuri kkoordinati stabbiliti mill-Kummissjoni Ewropea għas-settur tal-manifattura iżda jixtieq li l-UE tmur lil hinn u tipproponi soluzzjoni permanenti biex issaħħaħ il-kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri. Il-miżuri temporanji rigward il-provvista ta’ prodotti speċifiċi minn swieq mhux tal-UE għandhom isiru permanenti, speċjalment fir-rigward tal-importazzjoni ta’ tagħmir mediku essenzjali u prodotti ewlenin oħra. Din il-pandemija wriet id-dgħufijiet kollha ta’ politika eżitanti. Settur tal-manifattura b’saħħtu u reżiljenti għandu jkun wieħed mill-pilastri tal-politika tal-kompetizzjoni.

1.8.

Fis-settur tal-agrikoltura u l-ikel, huwa importanti li l-prodotti ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini Ewropej jiġu protetti mill-imitazzjonijiet u l-“kopji”. Is-settur taż-żrieragħ u tal-pestiċidi huwa essenzjali għall-bdiewa u għall-konsumaturi, iżda dan jiġġenera wkoll tħassib li jmur lil hinn mill-protezzjoni tal-konsumaturi, is-sikurezza alimentari u l-garanzija tal-konformità mal-istandards ambjentali u klimatiċi.

1.9.

It-trasport jibqa’ wieħed mis-setturi tas-servizzi l-aktar diffiċli fir-rigward tal-kompetizzjoni fost l-Istati Membri fis-suq intern. Regoli ċari u l-ħtieġa għal bilanċ għandhom ikunu prijorità kostanti mhux biss għall-kumpaniji iżda wkoll għall-utenti finali.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Il-politika tal-kompetizzjoni hija kruċjali għall-għan ta’ suq uniku effiċjenti u ġust li jista’ jagħti spinta lill-valuri tal-Ewropa u lill-proġett Ewropew. B’kunsiderazzjoni ta’ dan, huwa essenzjali li jiġu ċċarati aħjar il-politiki u l-linji gwida kollha sabiex jiġi żgurat li s-suq uniku jiġi pperċepit bħala dak li jġib valur miżjud għall-globalizzazzjoni u li t-tmexxija tal-Ewropa lejn kummerċ sostenibbli u ġust mhux biss tipprovdi opportunitajiet iżda anke riżultati tanġibbli li jistgħu jħallu impatt fuq reġjuni ekonomiċi oħrajn.

2.2.

Filwaqt li t-tnedija tal-“kontroll tal-idoneità” tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat kienet kisba kbira fl-2019, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tagħha baqgħalhom ħafna biex isiru perfetti u rapidi. Dawn il-proċessi, inklużi konsultazzjonijiet pubbliċi, jridu jkunu preċiżi u aktar rapidi. Il-KESE jemmen li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jistgħu jkunu involuti fil-proċess sabiex jiffaċilitaw il-kuntatt mal-partijiet ikkonċernati t-tajba.

2.3.

L-eżistenza tal-għodda online “eLeniency” tagħmilha faċli u inqas ta’ xkiel biex wieħed jissottometti dikjarazzjonijiet u dokumenti lill-Kummissjoni Ewropea, inklużi applikazzjonijiet ta’ klemenza fil-każijiet ta’ kartell. It-tagħlimiet mill-esperjenzi huma importanti biex tinftiehem ir-rilevanza tal-proċedura rigward il-ħtieġa li tiġi żgurata parteċipazzjoni pubblika ġusta, għodod u proċeduri faċilment aċċessibbli, kif ukoll valutazzjoni komparattiva ma’ għodod oħra.

2.4.

Il-KESE jikkondividi t-tħassib tal-Kummissjoni Ewropea rigward il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-effetti tad-distorsjoni kkawżata minn sussidji barranin u mis-sjieda pubblika, u jqis li huma meħtieġa strumenti addizzjonali biex jiġu evitati effetti dannużi. Dawn jistgħu jiġu identifikati b’mod effettiv billi, l-ewwel nett, isir użu xieraq min-Network Ewropew għall-Kompetizzjoni u, it-tieni, jiġu indirizzati s-sistemi ta’ għajnuna selettivi.

2.5.

Il-KESE jirrakkomanda l-iżvilupp u t-tisħiħ ta’ servizzi ta’ interess ġenerali fl-UE bħala mezz effettiv biex jiġi ssalvagwardjat l-“istil ta’ ħajja Ewropew”. Jekk is-servizzi ta’ interess ġenerali jiġu pprovduti kif suppost, irid jiġi aċċettat li l-infrastruttura diġitali hija fattur ewlieni fid-diġitalizzazzjoni. Għalhekk trid tiġi stabbilita infrastruttura xierqa tal-broadband. Il-KESE jirrakkomanda li tiġi adottata sistema ta’ għajnuna mill-Istat li tistimola l-investiment fl-introduzzjoni ta’ dawn it-teknoloġiji ġodda kollha, filwaqt li jiġu indirizzati l-iżbilanċi territorjali fil-livell nazzjonali.

2.6.

Il-proġetti ta’ interess komuni Ewropew għandhom parti importanti fir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku, u fl-applikazzjoni tal-innovazzjoni. L-iżvilupp tagħhom għandu jitrawwem minħabba l-valur miżjud li jġibu magħhom, u l-KESE jittama li l-Komunikazzjoni dwar proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni (IPCEI) tista’ sservi bħala strument effettiv għall-implimentazzjoni tagħhom kif suppost. Huwa importanti li jiġu ssorveljati l-korrezzjonijiet għall-applikazzjoni tal-kriterji skont liema l-Istati Membri jistgħu jappoġġjaw proġetti transnazzjonali ta’ importanza strateġika għall-UE.

2.7.

Il-KESE jemmen li l-politika tal-kompetizzjoni tal-UE għandha tadotta approċċ li jħares aktar ’il quddiem sabiex tkun tista’ tadatta ruħha kemm għall-isfida diġitali kif ukoll għall-kompetizzjoni li tiffaċċja fuq livell globali. Għalhekk, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tqiegħed il-politika tal-kompetizzjoni fuq quddiem fil-lista ta’ prijoritajiet għall-programm ta’ ħidma tal-Pjattaforma Fit for Future.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1.   It-tisħiħ ulterjuri tal-effettività tal-politika tal-kompetizzjoni tal-UE u l-infurzar

3.1.1.

Il-politika tal-kompetizzjoni tal-UE għandha tkun imfassla u implimentata f’qafas aktar komprensiv, b’kunsiderazzjoni tar-rabtiet mill-qrib tagħha ma’ oqsma politiċi ewlenin oħra u l-ħtieġa ta’ approċċ koerenti. Ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE għandhom jimxu id f’id mal-liġi dwar it-taxxa (b’tassazzjoni ġusta inkluż fis-settur diġitali), fil-liġi tal-konsumatur, tal-protezzjoni soċjali u tax-xogħol. L-armonizzazzjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni inġusta hija meħtieġa biex jinkisbu riżultati tanġibbli.

3.1.2.

Sabiex jiġu miġġielda b’mod effettiv il-prattiki ta’ kompetizzjoni inġusta, il-KESE jissuġġerixxi li tiġi indirizzata l-kwistjoni ta' pożizzjoni dominanti fis-suq permezz ta’ metodu ġdid: mhux biss billi tiġi vvalutata l-imġiba dominanti jew l-abbuż iżda wkoll billi tiġi ssorveljata l-preżenza ekonomika kollha ta’ impjegatur f’setturi differenti, mhux biss fuq bażi ta’ settur b'settur.

3.1.3.

L-UE għandha tiffoka wkoll fuq prattiki antikompetittivi oħra bħal espansjonijiet predatorji u monopolizzazzjoni; kollużjonijiet taċiti; u effetti ta' intrappolament (li jipprevjenu lill-ħaddiema milli jkunu attivi simultanjament f’aktar minn pjattaforma waħda) li jistgħu jipperikolaw il-bilanċ tas-suq.

3.1.4.

L-SMEs huma l-pilastru tal-ekonomija Ewropea u għalhekk jeħtieġ li jiġu kkunsidrati aktar fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni. L-għajnuna mill-Istat hija għodda utli iżda mhux l-SMEs kollha huma konxji mill-eżistenza tagħha. Il-KESE jirrakkomanda li jkun hemm titjib fil-komunikazzjoni indirizzata lill-SMEs sabiex l-attivitajiet tagħhom jiġu appoġġjati aħjar.

3.1.5.

Il-Kummissjoni Ewropea trid tibqa’ attenta rigward id-detezzjoni u l-prosekuzzjoni tal-kartelli u pożizzjonijiet abbużivi fis-suq. Żewġ investigazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea għandhom sinifikat partikolari għall-protezzjoni tal-konsumaturi, li kienu affettwati ħafna:

(a)

l-investigazzjoni li għaddejja bħalissa tal-kartell rigward BMW, Daimler u l-Grupp Volkswagen, li fiha l-Kummissjoni Ewropea bagħtet Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet li tistabbilixxi s-sejbiet preliminari tagħha rigward ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE bejn l-2006 u l-2014 permezz ta’ kollużjoni bl-għan li jiġu ostakolati dawn ir-regoli fl-iżvilupp ta’ teknoloġija biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karozzi li jaħdmu bid-diżil u bil-petrol;

(b)

id-Deċiżjoni dwar il-Mastercard, li fiha l-Kummissjoni Ewropea mmultat lill-kumpanija tal-kards talli ppreveniet lin-negozjanti milli jaċċessaw servizzi transfruntiera ta’ pagamenti bil-kard, u kisret ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE. Ġew imneħħija r-regoli transfruntiera li pproduċew prezzijiet ogħla għan-negozjanti u l-konsumaturi, u b’hekk ġiet eliminata l-kompetizzjoni transfruntiera ristretta u s-segmentazzjoni artifiċjali tas-suq. Bħala riżultat ta’ dan u passi oħra, is-settur finanzjarju ssaħħaħ fil-kuntest tal-Unjoni Bankarja, permezz ta’ għadd ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea.

3.2.   L-indirizzar ta’ sfidi ġodda fl-isfera diġitali, tat-telekomunikazzjoni u tal-midja

3.2.1.

Il-KESE jqis l-ekonomija diġitali u b’mod partikolari l-pożizzjoni tal-GAFA bħala sfida serja għad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE. Peress li dawn il-kumpaniji ma jimxux mal-istess regoli bħall-kumpaniji Ewropej, ir-regoli aġġornati tal-kompetizzjoni tal-UE għandhom jipproponu għodod effiċjenti ġodda li jirrikonoxxu din is-sitwazzjoni.

3.2.2.

Għalkemm għadu kmieni, irridu noqogħdu attenti għall-impatt tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/1150 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 (2), li introduċa regoli ġodda tal-UE dwar it-trasparenza għall-utenti kummerċjali tal-pjattaformi online. L-użu mifrux ta’ pjattaformi online fis-suq ifisser id-dħul ta’ atturi ġodda u kuntest ġdid fis-suq intern, li l-konsegwenzi tiegħu għadhom mhumiex ċari għalkollox. Għal sigurtà akbar tal-atturi tas-suq u taċ-ċittadini, speċjalment matul il-pandemija attwali, iridu jiġu applikati r-regoli tal-kompetizzjoni adatti u jekk ma jkunux suffiċjenti, iridu jiġu previsti soluzzjonijiet ġodda.

3.2.3.

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-fatt li l-Att dwar is-Servizzi Diġitali mhux ser ikun f’kunflitt mal-qafas legali possibbli biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fuq il-pjattaformi online.

3.2.4.

Ir-regoli tal-kompetizzjoni mfassla għan-negozju tradizzjonali mhumiex adattati għall-pjattaformi online. Hemm bżonn urġenti ta’ adattament tal-metodoloġiji u l-objettivi bl-għan li jiġu adattati għax-xenarju tan-negozju li qed jinbidel.

3.2.5.

Il-KESE jemmen li s-suq diġitali u l-pjattaformi online huma parti minn ekonomija ġdida li hija kruċjali għall-Ewropa iżda li hemm ukoll il-ħtieġa li jiġu stabbiliti regoli ċari u ġusti. Strutturi tas-suq oligopolistiċi huma sostnuti minn ħafna mill-karatteristiċi li jikkaratterizzaw ukoll il-prattiki ta’ monopolizzazzjoni u l-effetti aggregati ta’ ekosistemi mobilizzati minn pjattaformi online kif ukoll minn korporazzjonijiet dominanti. Karatteristiċi bħall-integrazzjoni vertikali, in-nuqqas ta’ trasparenza għall-utenti, l-effett ta’ intrappolament tal-klijentela u l-effett ta’ network, flimkien ma’ livelli ta’ konċentrazzjoni għolja jirriżultaw fi problemi strutturali ta’ kompetizzjoni, li jaffettwaw kemm lill-konsumaturi kif ukoll lill-ħaddiema.

3.2.6.

Il-pjattaformi jistgħu jibnu d-dominanza tas-suq tagħhom fuq kontenut iġġenerat mill-utent, kemm jekk tkun data u mġiba tal-konsumatur kif ukoll servizzi mwettqa minn fornituri individwali tax-xogħol. L-utenti jesperjenzaw nuqqas ta’ aċċess għall-informazzjoni u ma jistgħux jinfluwenzaw il-kundizzjonijiet li joperaw fihom. Bl-istess mod, ir-rakkomandazzjonijiet u l-klassifikazzjoni fuq il-pjattaformi huma kkaratterizzati minn nuqqas ta’ trasparenza. Il-prattiki ta’ klassifikazzjoni inġusti u diskriminatorji jridu jiġu kkunsidrati bħala prattiki ta’ kompetizzjoni inġusta.

3.2.7.

L-ekonomiji ta’ skala huma sors fundamentali ta’ dominanza tas-suq għall-pjattaformi diġitali. L-ispejjeż marġinali għall-espansjoni ta’ negozju huma qrib iż-żero, meta mqabbla ma’ kumpaniji tradizzjonali, minħabba li dawk il-pjattaformi li jipprovdu servizzi li jirrikjedu ħafna ħaddiema permezz ta’ prattiki abbużivi jgħaddu parti kbira mill-ispejjeż u r-riskji lill-fornituri individwali tax-xogħol. Il-pjattaformi kultant isostnu li l-ekonomiji ta’ skala huma limitati għall-kapaċitajiet fiżiċi ta’ sewwieqa/passiġġiera/ħaddiema individwali, iżda r-“reklutaġġ” (jew l-“iskonnettjar”) ta’ fornituri addizzjonali tax-xogħol biex jitwessa’ s-suq ma jirrikjedi l-ebda investiment.

3.2.8.

Il-qafas legali attwali tal-UE dwar il-kompetizzjoni ma jqisx b’mod adegwat it-tħassib dwar l-impatt tal-kompetizzjoni fuq is-suq tax-xogħol, bħas-setgħa tal-monopsonja tal-impjegaturi, bit-tnaqqis tal-istandards soċjali, li għandu konsegwenzi ta’ dannu kemm għal persuni li jħaddmu, li huma soġġetti għal pressjoni kompetittiva insostenibbli, kif ukoll għall-Istati Membri li jirrinunzjaw id-dħul mit-taxxa u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali” (3). Ir-regoli tal-kompetizzjoni m’għandhomx ikunu ostaklu għan-negozjar kollettiv għall-ħaddiema kollha, inklużi l-ħaddiema tal-pjattaformi, sabiex jinnegozjaw għodod u ftehimiet innovattivi, kif juru diversi eżempji fil-livell nazzjonali.

3.2.9.

Il-valutazzjoni tas-saħħa fis-suq fl-ekonomija diġitali trid tqis aktar l-attivitajiet aggregati fi swieq differenti u l-impatt totali tagħhom fuq swieq rilevanti online kif ukoll offline. Bl-istess mod, l-aċċess għall-algoritmi għall-alimentazzjoni tad-data mill-utent għall-iskop ta’ personalizzazzjoni ta’ prodotti, offerti, reklamar u pprezzar irid ukoll jiġi kkunsidrat, b’rispett dovut għad-drittijiet fundamentali tas-suġġetti tad-data.

3.3.   Politika tal-kompetizzjoni li tappoġġja l-objettivi tal-UE rigward l-enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u rigward l-ambjent

3.3.1.

Il-KESE jikkondividi l-għan tal-Kummissjoni Ewropea li tiżgura l-kompetittività fit-tul tal-Unjoni Ewropea permezz ta’ sostenibbiltà u t-tranżizzjoni lejn ekonomija li hija sikura, newtrali għall-klima u aktar effiċjenti fir-riżorsi, u billi trawwem u ssaħħaħ l-ekonomija ċirkolari.

3.3.2.

Il-KESE jitlob li jissaħħaħ il-Patt Ekoloġiku, bħala ftehim ewlieni Ewropew biex tintlaħaq il-mira għal emissjonijiet ta’ gassijiet serra żero għall-2050. Ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali jista’ jkun deċiżiv f’dan ir-rigward. Sabiex jiġu ssodisfati l-impenji tal-UE, ikun tajjeb li jsir “kontroll tal-idoneità” tad-direttivi ambjentali.

3.3.3.

Il-KESE jiffavorixxi l-promozzjoni ta’ miżuri ta’ għajnuna mill-Istat fir-rigward tas-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet għal wara l-2012 (Direttivi ETS). Jappoġġja r-reviżjoni tas-sistema ta’ għajnuna mill-Istat u l-adattament tagħha għall-iskema tal-UE l-ġdida għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet għall-2021-2030, li hemm tama kbira fiha.

3.3.4.

Il-KESE jirrakkomanda li jsir sforz biex jintlaħaq il-“prinċipju ta’ tniġġis żero” fl-UE u li jiġu adottati u implimentati l-miżuri kollha ppjanati għall-effiċjenza fl-enerġija. L-investiment sostenibbli fl-UE jrid jiġi ffaċilitat. Għal dan il-għan, il-kriterji biex jiġi ddeterminat jekk attività ekonomika titqiesx ambjentalment sostenibbli jeħtieġ jiġu applikati mill-aktar fis possibbli, bl-għan li jiġi stabbilit il-livell ta’ sostenibbiltà ambjentali tal-investimenti (4).

3.3.5.

Kif qal f’Opinjonijiet preċedenti, il-KESE jqis neċessarju l-appoġġ għall-introduzzjoni ta’ enerġiji rinnovabbli. Filwaqt li tiggarantixxi s-sigurtà tal-provvista, l-għajnuna mill-Istat għandha tkun diretta biex tappoġġja l-enerġija rinnovabbli, filwaqt li jiġu sfruttati l-benefiċċji ambjentali, soċjali u ekonomiċi tal-fondi pubbliċi.

3.4.   Il-protezzjoni tal-kompetizzjoni fis-settur tal-manifattura

3.4.1.

Il-kriżi tal-COVID-19 kixfet id-dgħufijiet tas-sistema tal-manifattura tal-UE, speċjalment fis-settur tas-saħħa fejn l-UE kienet dipendenti fuq sorsi mhux tal-UE għal tagħmir mediku, inkluż tagħmir ta’ protezzjoni personali bħal maskri u tagħmir respiratorju artifiċjali u prodotti kruċjali oħra fl-UE fil-ġlieda kontra l-pandemija. L-UE teħtieġ settur tal-manifattura b’saħħtu fejn il-kumpaniji Ewropej jalimentaw is-suq intern, speċjalment f’setturi essenzjali. Il-KESE jappoġġja l-miżuri kkoordinati stabbiliti mill-Kummissjoni Ewropea iżda jixtieq li l-UE tmur lil hinn u tipproponi soluzzjoni permanenti għal din il-kwistjoni f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri. Il-miżuri temporanji rigward il-provvista ta’ prodotti speċifiċi minn swieq mhux tal-UE jeħtieġ li jiġu sostitwiti b’soluzzjoni permanenti, speċjalment fir-rigward tal-importazzjoni ta’ tagħmir mediku essenzjali. Settur tal-manifattura b’saħħtu u reżiljenti għandu jkun wieħed mill-pilastri tal-politika tal-kompetizzjoni.

3.4.2.

Fir-rigward tal-kompetizzjoni ma’ kumpaniji li mhumiex fl-UE, il-KESE jappella biex jiġu garantiti l-istess regoli soċjali u ambjentali sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni.

3.5.   L-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni

3.5.1.

Fil-qasam tat-tassazzjoni, il-KESE jilqa’ l-miżuri stabbiliti mill-Kummissjoni Ewropea fl-2019. Fl-istess ħin, huwa importanti li anki f’dan il-qasam tkun żgurata kompetizzjoni ġusta bejn il-pajjiżi differenti. B’mod partikolari, hija meħtieġa viġilanza akbar fir-rigward ta’ deċiżjonijiet tat-taxxa u vantaġġi kompetittivi inġusti miksuba permezz ta’ ftehimiet bejn ċerti pajjiżi u “atturi kbar”. Din l-imġiba tista’ tfixkel is-suq ħieles, tagħmel ħsara lill-SMEs u toħloq kompetizzjoni inġusta bejn il-pajjiżi (5).

3.5.2.

Ir-regolazzjoni tas-servizzi diġitali hija kwistjoni ewlenija li l-Kummissjoni Ewropea għandha tiffoka fuqha.

3.5.3.

Huwa meħtieġ li jiġi adottat approċċ ġdid għall-GAFA biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni u tiġi promossa distribuzzjoni ġusta tad-dħul mit-taxxa li huwa pprovdut minn dawn il-kumpaniji.

3.6.   Nagħmlu s-settur finanzjarju aktar reżiljenti fil-kuntest ta’ Unjoni Bankarja

Il-kriżi finanzjarja tal-2008 u l-impatt tagħha fuq l-ekonomija reali u fuq il-fiduċja fis-suq ipoġġu taħt skrutinju kostanti l-prattiki fi ħdan is-settur bankarju, minħabba biża’ leġittima ta’ sitwazzjonijiet ġodda gravi li jistgħu jerġgħu jitfaċċaw. L-għajnuna temporanja mill-Istat lill-banek salvat lis-settur finanzjarju minn kollass. Bir-ristrutturar tas-settur, rajna l-għejbien ta’ xi istituzzjonijiet iżda wkoll konċentrazzjonijiet li jistgħu jkunu ta’ tħassib, mhux biss għall-istabbiltà tas-settur finanzjarju f'każ ta’ kundizzjonijiet ta’ kriżi, iżda b’mod speċjali għall-possibbiltà ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni minħabba d-daqs ta’ dawn il-gruppi ġodda. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex toqgħod attenta u tkun viġilanti fir-rigward ta’ abbużi ta’ pożizzjoni dominanti li jistgħu jagħmlu ħsara lill-interessi tal-konsumaturi u lill-finanzjament tal-intrapriżi, b’mod speċjali l-SMEs.

3.7.   L-iżgurar ta’ kompetizzjoni ġusta fis-setturi tal-ikel, tal-konsumatur u tas-saħħa

3.7.1.

Fis-settur tal-agrikoltura u l-ikel, huwa importanti li jiġu protetti l-prodotti ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini Ewropej. Is-settur taż-żrieragħ u tal-pestiċidi huwa essenzjali għall-bdiewa u għall-konsumaturi, iżda dan jiġġenera wkoll tħassib li jmur lil hinn mill-protezzjoni tal-konsumaturi, is-sikurezza alimentari u l-garanzija tal-konformità mal-istandards ambjentali u klimatiċi.

3.7.2.

Il-protezzjoni tal-konsumatur trid tkun ibbilanċjata b’azzjoni li tappoġġja u tippromovi l-kumpaniji innovattivi u l-SMEs, b’metodi li ma jaffettwawx ħażin il-kompetizzjoni dinamika fis-suq. Dan huwa l-mod ewlieni biex jinħolqu impjiegi ta’ kwalità u tiġi żgurata s-sostenibbiltà dinamika tas-sistema ta’ produzzjoni.

3.8.   It-trasport u s-servizzi postali

Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza tat-trasport u tas-servizzi postali u l-ħtieġa li jinħolqu kundizzjonijiet ekwi ta’ kompetizzjoni biex is-setturi jkunu jistgħu jappoġġjaw lill-komunità. Fir-rigward tat-trasport, huwa ssuġġerit li l-Kummissjoni Ewropea tivverifika jekk, u sa liema punt, l-eżenzjoni mit-taxxa tal-pitrolju tistax tikkostitwixxi għajnuna mhux dovuta lil-linji tal-ajru meta mqabbla mat-trasport ferrovjarju.

4.   Flimkien għall-promozzjoni ta’ kultura ta’ kompetizzjoni globali

4.1.

Id-dimensjoni internazzjonali tal-politika tal-kompetizzjoni għandha tkun essenzjali fid-definizzjoni u l-infurzar tar-regoli. Il-politika tal-kompetizzjoni tevolvi f’xena internazzjonali fejn id-definizzjonijiet u l-prinċipji tad-drittijiet tal-kompetizzjoni huma differenti ħafna, u dan ipoġġi lill-kumpaniji tal-UE fi żvantaġġ.

4.2.

Ħafna SMEs ibatu mill-inadegwatezza tar-regoli tal-UE meta mqabbla mal-kompetituri internazzjonali tagħhom. Il-kompetizzjoni inġusta hija kwistjoni li jeħtieġ li tiġi indirizzata sabiex jitħarsu l-istandards tal-UE. Hemm bosta lmenti minn kumpaniji fl-Ewropa (nuqqas ta’ flessibbiltà). F’ċerti oqsma tal-manifattura f’pajjiżi terzi, in-nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-istandards ambjentali u soċjali tal-UE joħloq distorsjonijiet tas-suq għad-detriment tan-negozji Ewropej, l-aktar l-SMEs. L-Ewropa għandha tkun imħassba dwar dan.

4.3.

Il-mudell tal-kompetizzjoni tal-UE jeħtieġ li jiġi promoss internazzjonalment. L-UE trid tkun minn ta’ quddiem nett b’kultura ta’ kompetizzjoni globali li tipprovdi sistema li tipproteġi kemm lill-kumpaniji kif ukoll lill-ħaddiema. Għandna bżonn diskussjoni fil-fond dwar il-kunċett tad-dritt tal-kompetizzjoni fl-Ewropa, meta mqabbel ma’ żoni ekonomiċi oħra, jiġifieri l-Istati Uniti u ċ-Ċina, pereżempju fir-rigward ta’ kwistjonijiet ambjentali u ta’ sostenibbiltà.

4.4.

Biex ikun żgurat bilanċ bejn il-libertà tas-suq u l-konċentrazzjonijiet, mhuwiex biżżejjed li ssir referenza għall-kompetizzjoni minn atturi kbar globali oħrajn, speċjalment jekk dawn ikunu ġejjin minn pajjiżi magħluqin għall-kompetizzjoni min-naħa ta’ kumpaniji barranin. Il-Kumitat jenfasizza l-importanza li l-UE jkollha approċċ konsistenti mmirat biex jorbot flimkien ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, l-implimentazzjoni tal-SDGs, u l-promozzjoni ta’ standards ambjentali u investimenti sostenibbli fl-operat tan-negozju madwar id-dinja. L-iskemi ta’ kummerċ u tariffi preferenzjali mogħtija lil diversi pajjiżi terzi għandhom jiġu riveduti u jsiru aktar kondizzjonali fuq l-implimentazzjoni effettiva ta’ standards ta’ żvilupp sostenibbli, sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi, ġusti u kompetittivi għan-negozji Ewropej. F’dan ir-rigward, il-Kumitat jissuġġerixxi li, bħala alternattiva għal fużjonijiet ta’ kumpaniji li jdgħajfu l-kompetizzjoni, għandhom jiġu stabbiliti miżuri mmirati biex jappoġġjaw lin-negozji għall-iżvilupp ta’ investimenti sostenibbli fi swieq terzi. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu inċentivi fiskali għar-riċerka u l-iżvilupp u ftehimiet bejn il-produtturi Ewropej biex jinkoraġġuhom jikkoordinaw l-istrateġiji ta’ esportazzjoni u investiment barra mill-pajjiż f’konformità mal-istandards ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-UE.

Brussell, is-27 ta’ Jannar 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  L-Artikoli 7, 9, 11 u 12 tat-TFUE.

(2)  ĠU L 186, 11.7.2019, p. 57.

(3)  ĠU C 429, 11.12.2020, p. 173.

(4)  ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13.

(5)  ĠU C 97, 24.3.2020, p. 62.


9.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/7


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew”

[COM(2020) 569 final — 2020/260 NLE]

(2021/C 123/02)

Relatur:

Louise GRABO

Konsultazzjoni

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 26.10.2020

Bażi legali

Artikoli 187 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 188 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

11.12.2020

Adottata fil-plenarja

27.1.2021

Sessjoni plenarja Nru

557

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

240/0/5

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jikkonferma l-validità ta’ din l-inizjattiva strateġika u l-valur miżjud ta’ Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew bħala pass tanġibbli f’konformità mal-istrateġija tal-cloud tal-Unjoni Ewropea kif ukoll bħala parti integrali minn strateġija usa’ tal-UE (inklużi fost affarijiet oħra ċ-ċibersigurtà, is-Suq Uniku Diġitali, is-Soċjetà Ewropea tal-Gigabits, ix-Xjenza Miftuħa, l-UE għas-Saħħa u r-RescEU).

1.2

Il-KESE jqis li l-investimenti eżistenti tal-UE li saru f’dawn l-aħħar snin u anke wara t-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 sabiex jinkisbu u jitħaddmu l-aqwa magni tas-supercomputing għadhom mhumiex f’livell ottimali meta mqabbla ma’ dawk tal-kompetituri tagħha (l-Istati Uniti, iċ-Ċina u oħrajn). Huma meħtieġa riżorsi u investimenti addizzjonali, inkluż min-naħa tal-Istati Membri tal-UE, b’mod partikolari dawk li huma inqas avvanzati u/jew involuti fil-qasam. Huwa vitali li dawn ir-riżorsi jiġu kkombinati ma’ programmi koerenti ta’ riċerka u innovazzjoni tal-UE u mal-QFP 2021-2027 li jmiss, inkluża l-Faċilita tal-Fond għall-Irkupru, jekk l-UE trid tikkompeti fl-applikazzjonijiet tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja fil-livell globali.

1.3

Il-KESE japprova l-approċċ industrijali, fi strateġija mġedda tal-UE industrijali u integrata għall-SMEs, sabiex tiġi żviluppata l-ġenerazzjoni li jmiss ta’ mikroċipep b’konsum baxx tal-enerġija fl-Ewropa, biex l-UE tiddependi inqas fuq l-importazzjonijiet u jiġi żgurat aċċess għal teknoloġija u għarfien tal-ogħla kwalità tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja.

1.4

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tirdoppja l-isforzi tagħha biex tfassal “pjan direzzjonali pluriennali” li jista’ jiggarantixxi s-sjieda tas-soċjetà ċivili tal-UE u jikkontribwixxi b’mod prattiku għal-livelli rispettivi tal-governanza tal-Impriża Konġunta f’setturi strateġiċi (il-prevenzjoni fil-qasam tas-saħħa, is-sistemi ta’ twissija bikrija, il-programmi pilota dwar it-taħriġ għall-mitigazzjoni tar-riskju ta’ diżastru u ċ-ċibersigurtà). Għal dan il-għan, lil hinn miċ-ċentri ta’ kompetenza tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja u ċ-Ċentri ta’ Innovazzjoni Diġitali eżistenti, huwa urġenti li jiġu integrati l-valur miżjud u r-rwol multiplikatur ta’ Djalogu tas-Soċjetà Ċivili permanenti fil-Gruppi Konsultattivi eżistenti tal-Impriża Konġunta. Il-KESE, minħabba n-natura tiegħu stess, ikun l-imsieħeb ideali sabiex jiġi organizzat annwalment Forum miftuħ ta’ Djalogu tal-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew akkumpanjat minn kampanji ta’ sensibilizzazzjoni edukattiva bl-involviment attiv ta’ networks xjentifiċi u ta’ għarfien, imsieħba soċjali u ekonomiċi, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-midja.

1.5

Il-KESE jqis li jeħtieġ li jinġabar feedback mis-soċjetà ċivili tal-UE biex l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jimmonitorjaw, jispjegaw u jippromovu aħjar il-valur miżjud, fuq terminu qasir u medju, tal-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew u l-vantaġġi u l-opportunitajiet settorjali li tippreżenta bħala strument legali u strateġiku. L-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew mhux biss għandha tkun ta’ benefiċċju għall-komunitajiet xjentifiċi/ta’ riċerka iżda għandha tiggarantixxi wkoll “sjieda” u involviment akbar min-naħa ta’ intermedjarji interessati bħall-istituzzjonijiet pubbliċi, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-UE, l-intrapriżi industrijali u dawk żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi u l-atturi tal-katina tal-valur fl-iżvilupp tal-applikazzjonijiet tas-softwer, waqt li jiġi pprovdut aċċess għall-infrastruttura, ta’ importanza partikolari għal pajjiżi iżgħar, u jissaħħu l-kontribuzzjonijiet in natura għall-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew.

1.6

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li tnejn mill-imsieħba tal-Kummissjoni fis-sħubija pubblika-privata kuntrattwali (cPPP) jistgħu jsiru l-ewwel membri privati, li huwa fundamentali biex l-industriji tal-UE jipparteċipaw mill-bidu nett fl-impriża konġunta. Dan huwa partikolarment il-każ fir-rigward tal-mikrointrapriżi u l-SMEs li joffru soluzzjonijiet kompetittivi/adattabbiltà, iżda hemm ir-riskju li jiġu esklużi jew penalizzati mill-akkwist pubbliku jekk ma jkunux koperti b’mod xieraq permezz ta’ kapitolu legali speċifiku u/jew forom ta’ konsorzju eżistenti. Il-KESE jenfasizza l-importanza li tiġi aġġornata d-definizzjoni tal-proċeduri speċifiċi ta’ akkwist pubbliku u tal-kriterji għall-għoti biex jiġi ffaċilitat l-involviment ta’ “raggruppamenti tal-SMEs” eżistenti jew ġodda f’dan ir-Regolament speċifiku tal-UE dwar Impriża Konġunta (1) li jkopri mhux biss is-supercomputers klassiċi tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja u applikazzjonijiet tas-software, iżda wkoll l-akkwist ta’ kompjuters kwantistiċi/simulaturi.

1.7

Il-KESE jilqa’ l-possibilità li jiġu inklużi aktar imsieħba, iżda jinsisti wkoll li għal kwalunkwe msieħeb ġdid, b’mod partikolari għal dawk minn barra l-UE, għandu jiġi sodisfatt ir-rekwiżit tar-reċiproċità.

1.8

L-UE għandha tisfrutta l-opportunità ppreżentata mill-iżvilupp tat-teknoloġija tal-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew biex tiżviluppa s-setturi industrijali Ewropej rilevanti sabiex ikunu jistgħu jkopru l-katina kollha tal-produzzjoni (disinn, manifattura, implimentazzjoni u applikazzjoni).

1.9

Bħala mira ta’ nofs it-terminu, l-UE għandha tistabbilixxi li tikseb il-kapaċità li tippjana u tipproduċi l-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja bl-użu tat-teknoloġija Ewropea.

2.   Kummenti ġenerali

2.1

Fl-10 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni Ewropea adottat il-Komunikazzjoni “Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa” li tistabbilixxi strateġija industrijali ambizzjuża għall-Ewropa biex tmexxi ż-żewġ tranżizzjonijiet lejn in-newtralità klimatika u t-tmexxija diġitali. Fil-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ l-iżvilupp ta’ teknoloġiji abilitanti essenzjali li huma strateġikament importanti għall-futur industrijali tal-Ewropa, inkluż teknoloġiji tal-Computers ta’ Prestazzjoni Għolja u kwantistiċi. F’Komunikazzjoni sussegwenti tas-27 ta’ Mejju 2020, bit-titolu “Il-mument tal-Ewropa: Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss” (2), l-applikazzjonijiet tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja ġew identifikati bħala kapaċità diġitali strateġika li ser tkun prijorità għas-sorsi ta’ investiment fl-irkupru tal-Ewropa, bħall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, l-InvestEU, u l-Faċilità għall-Investiment Strateġiku.

2.2

L-applikazzjonijiet tal-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew, li jużaw l-hekk imsejħa “superkompjuters” b’qawwa komputazzjonali għolja ħafna, huma kapaċi jsolvu problemi kumplessi u impenjattivi ħafna. Illum dawn jirrappreżentaw fattur ewlieni għat-tmexxija globali fl-istrateġiji xjentifiċi, industrijali, tar-riskju bijoloġiku u tar-riskju (ċibernetiku) tat-terroriżmu, u għalhekk huma essenzjali għas-sigurtà nazzjonali, id-difiża u l-isfidi ġeopolitiċi u b’mod aktar ġenerali għat-trasformazzjoni diġitali u ekoloġika tas-soċjetà tagħna. L-applikazzjonijiet tal-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew jirfdu wkoll l-ekonomija tad-data, u permezz tagħhom it-teknoloġiji ewlenin bħall-intelliġenza artifiċjali, l-analitika tad-data u ċ-ċibersigurtà jisfruttaw il-potenzjal enormi tal-big data.

2.3

Barra minn hekk, il-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew qed isir ukoll għodda ta’ importanza dejjem akbar fil-livell globali biex jiġi appoġġjat it-teħid ta’ deċiżjonijiet pubbliċi billi jiġu simulati xenarji u jiġu appoġġjati networks komuni globali u reġjonali ta’ tħejjija, rispons u għarfien marbutin mal-katastrofi naturali (eż. tsunamis, għargħar, nirien, terremoti eċċ.) kif ukoll katastrofi antropoġeniċi (eż. riskji industrijali). F’dan il-qafas, is-sistemi tal-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew jistgħu jużaw u jżidu l-valur miżjud tagħhom meta jseħħu diversi riskji simultanjament, b’impatt negattiv sinifikanti fuq is-soċjetajiet.

2.4

L-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew qed tinvolvi diversi setturi industrijali bil-għan li jinnovaw u jespandu lejn prodotti u servizzi ta’ valur ogħla biex jitqiegħdu fis-swieq interni u globali, u b’hekk jiftħu għal applikazzjonijiet industrijali ġodda flimkien ma’ teknoloġiji diġitali avvanzati oħra.

2.5

L-applikazzjonijiet u l-infrastrutturi tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja huma essenzjali fi kważi kull qasam tar-riċerka, mill-fiżika fundamentali sal-bijomediċina, biex jinkiseb fehim xjentifiku aktar profond u jsiru skoperti xjentifiċi rivoluzzjonarji.

2.6

Il-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja qiegħed jintuża b’rabta mal-pandemija tal-COVID-19, ħafna drabi flimkien mal-intelliġenza artifiċjali, biex titħaffef l-iskoperta ta’ mediċini ġodda, jitbassar it-tifrix tal-virus, jiġu ppjanati u jitqassmu riżorsi mediċi skarsi, u jiġu antiċipati l-effettività tal-miżuri ta’ konteniment u x-xenarji ta’ wara l-epidemija.

2.7

Il-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja huwa wkoll għodda essenzjali għar-riċerkaturi u għal dawk li jfasslu l-politika biex jindirizzaw l-isfidi soċjetali ewlenin, mit-tibdil fil-klima, il-migrazzjoni, l-iżvilupp intelliġenti u ekoloġiku, u l-agrikoltura sostenibbli sal-mediċina personalizzata u l-ġestjoni tal-kriżijiet fl-UE, flimkien mal-pajjiżi ġirien u terzi.

2.8

Skont id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni (SWD) (…) (3), l-Ewropa kienet, u għadha, mexxejja dinjija fl-applikazzjonijiet tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja, iżda l-infrastruttura tas-supercomputing tagħha qed taqa’ lura fil-klassifika dinjija.

2.9

Indikatur ewlieni aċċettat b’mod wiesa’ għall-kompetittività reġjonali fil-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja huwa l-għadd ta’ sistemi fil-listi tal-aqwa 10 u tal-aqwa 500 supercomputers dinjija f’kull reġjun dinji.

2.10

Ir-referenza, kif definita fil-Valutazzjoni tal-Impatt dwar l-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew (4), hija din li ġejja: il-problema nru 1 hija li l-UE m'għandhiex l-aħjar supercomputers fid-dinja. Illum, l-ebda wieħed mill-10 superkompjuters ewlenin fid-dinja ma jinsab fl-UE. Kollettivament, l-UE u l-Istati Membri mhumiex qed jinvestu biżżejjed fil-provvista u fl-infrastrutturi tat-teknoloġija tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja meta mqabbla mal-Istati Uniti, iċ-Ċina jew il-Ġappun.

2.11

Fis-snin li ġejjin, ir-rwol ewlieni tal-Ewropa fl-ekonomija tad-data, l-eċċellenza xjentifika tagħha, u l-kompetittività industrijali tagħha ser ikunu jiddependu dejjem aktar fuq il-kapaċità tagħha li tiżviluppa teknoloġiji tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja ewlenin, tipprovdi aċċess għal infrastrutturi tas-supercomputing u tad-data ta’ klassi dinjija, u żżomm l-eċċellenza attwali tagħha fl-applikazzjonijiet tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja. Biex dan iseħħ, huwa essenzjali li jkun hemm approċċ strateġiku pan-Ewropew permezz tal-Impriżi Konġunti.

2.12

L-ewwel Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew ġiet stabbilita f’Ottubru 2018 bħala qafas ġuridiku u finanzjarju li jiġbor flimkien ir-riżorsi tal-UE, ta’ 32 pajjiż, u ta’ żewġ membri privati: il-Pjattaforma Ewropea tat-Teknoloġija għall-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja (ETP4HPC) u l-Big Data Value Association (BDVA).

2.13

Sa issa, l-Impriża Konġunta użat fondi mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2014-2020 għall-investimenti strateġiċi tagħha. Wara 20 xahar ta’ operat, din żiedet sostanzjalment l-investiment ġenerali fil-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja fil-livell Ewropew u bdiet twettaq il-missjoni tagħha biex l-Ewropa tikseb lura l-pożizzjoni tagħha bħala potenza ewlenija fil-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja. Sa tmiem l-2020, ser tniedi infrastruttura tas-supercomputing u tad-data ta’ klassi dinjija li tkun aċċessibbli għall-utenti pubbliċi u privati fl-Ewropa kollha. L-investimenti tagħha qed jappoġġjaw ukoll liċ-Ċentri ta’ Kompetenza tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja madwar l-Ewropa kollha, li jiżguraw li l-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja jkun disponibbli b’mod wiesa’ fl-Unjoni u jipprovdu servizzi u riżorsi speċifiċi għall-innovazzjoni industrijali (inklużi l-SMEs) u għall-iżvilupp tal-ħiliet tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja, għar-riċerka u għall-innovazzjoni f’teknoloġiji u f’applikazzjonijiet kritiċi tal-hardware u tas-software tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja. Dan ser iżid il-kapaċità tal-UE li tipproduċi teknoloġija innovattiva tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja.

2.14

Ir-Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew fl-2018 (5) stabbilixxa mira li jintlaħaq l-istadju li jmiss tas-supercomputing, il-prestazzjoni fuq skala eksa. Ara l-preambolu fit-taqsima 12: “L-Impriża Konġunta għandha titwaqqaf u tibda topera sa mhux aktar tard mill-bidu tal-2019 biex tintlaħaq il-mira li l-Unjoni jkollha infrastruttura fuq skala preeksa sal-2020 u sabiex jiġu żviluppati t-teknoloġiji u l-applikazzjonijiet meħtieġa bl-għan li jinkisbu l-kapaċitajiet fuq skala eksa bejn l-2023 u l-2025”. Din iż-żieda fil-qawwa komputazzjonali tinkiseb ukoll bit-tnedija tal-kompjuters kwantistiċi u bit-trasformazzjoni lejn teknoloġiji fuq skala posteksa.

2.15

Ir-Regolament propost hu essenzjalment kontinwazzjoni tal-inizjattiva eżistenti stabbilita skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1488, li jintroduċi modifiki biex ir-Regolament jiġi adattat għall-Programmi tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) li jmiss, iżda wkoll biex ikun jirrifletti l-prijoritajiet tal-Kummissjoni, u biex ikun possibbli li l-Impriża Konġunta tuża finanzjament mill-programmi tal-QFP il-ġdid għall-2021-2027.

2.16

Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni Ewropea (SWD(2020) 179 final) janalizza l-iżvilupp tal-fatturi soċjoekonomiċi u teknoloġiċi ewlenin u tar-rekwiżiti tal-utenti li jaffettwaw l-evoluzzjoni futura tal-infrastrutturi, tat-teknoloġiji u tal-applikazzjonijiet tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja u tad-data fl-UE u madwar id-dinja, u jqis il-prijoritajiet politiċi tal-UE għall-2020-2025.

2.17

Il-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja jintuża f’aktar minn 800 applikazzjoni xjentifika, industrijali u tas-settur pubbliku li għandhom rwol ewlieni biex isaħħu l-kapaċità tal-innovazzjoni tal-industrija, javvanzaw ix-xjenza u jtejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies. Illum l-Ewropa tinsab fuq quddiem nett fl-applikazzjonijiet tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja f’firxa wiesgħa ta’ oqsma bħall-mediċina personalizzata, it-tbassir tat-temp, id-disinn ta’ ajruplani, karozzi, materjali u mediċini ġodda, kif ukoll l-enerġija, l-inġinerija u l-manifattura.

2.18

Il-governanza u l-allokazzjoni tad-drittijiet tal-vot tal-Impriża Konġunta proposta jibqgħu l-istess bħal dawk definiti fir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1488. L-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew ser tkompli timplimenta l-pjan direzzjonali strateġiku tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja kif definit fl-aġendi strateġiċi pluriennali dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni żviluppati mill-Grupp Konsultattiv għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (RIAG) tal-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew u mill-Grupp Konsultattiv għall-Infrastruttura (INFRAG) tal-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew, ikkomplementat mill-Aġenda dwar ir-Riċerka Strateġika tal-membri privati tal-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew, biex tiġi stabbilita l-ekosistema tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-Impriża Konġunta skont il-QFP 2021-2027 hi EUR [XXX], flimkien ma’ mill-anqas ammont ugwali ta’ kontribuzzjonijiet totali mill-istati parteċipanti u mill-membri privati tal-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew. L-Impriża Konġunta ser tuża dawn il-fondi primarjament biex timplimenta l-attivitajiet tagħha skont il-ħames pilastri deskritti hawn fuq.

2.19

L-eżiti ewlenin għall-Impriża Konġunta proposta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew fl-għaxar snin li ġejjin mistennija jkunu jinkludu:

infrastruttura Ewropea, federata, sigura u interkonnessa tal-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja u tad-data b’supercomputers ta’ skala medja u b’mill-anqas żewġ sistemi ta’ klassi dinjija fuq skala eksa u żewġ sistemi fuq skala posteksa ta’ klassi dinjija (tal-anqas waħda minn kull kategorija mibnija b’teknoloġija Ewropea);

infrastrutturi ibridi tal-computing li jintegraw sistemi avvanzati tal-computing;

simulaturi kwantistiċi u kompjuters kwantistiċi f’infrastrutturi tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja;

infrastruttura sigura bbażata fuq il-cloud tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja u tad-data għall-utenti privati Ewropej;

kapaċitajiet u servizzi mħaddma bil-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja bbażati fuq spazji pubbliċi Ewropej tad-data għax-xjenzati, għall-industrija u għas-settur pubbliku;

elementi importanti tat-teknoloġija tal-ġenerazzjoni li jmiss (hardware u software) u l-integrazzjoni tagħhom f’arkitetturi innovattivi tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja għal sistemi fuq skala eksa u posteksa;

Ċentri ta’ Eċċellenza fl-applikazzjonijiet tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja u l-industrijalizzazzjoni ta’ software tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja, b’algoritmi, b’kodiċijiet u b’għodod ġodda ottimizzati għall-ġenerazzjonijiet futuri ta’ supercomputers;

bankijiet tat-test u pjattaformi pilota industrijali fuq skala kbira għall-applikazzjonijiet u għas-servizzi tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja u tad-data f’setturi industrijali ewlenin;

Ċentri nazzjonali ta’ Kompetenza fil-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja li jiżguraw kopertura wiesgħa tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja fl-UE, b’servizzi u b’riżorsi speċifiċi għall-innovazzjoni industrijali (inkluż l-SMEs);

żieda sinifikanti fil-ħiliet u fl-għarfien espert dwar il-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja għall-forza tax-xogħol tal-Ewropa;

ħażna msaħħa tad-data, kapaċitajiet tal-ipproċessar, u servizzi ġodda, f’oqsma ta’ interess pubbliku madwar l-Istati Membri.

2.20

Kisbiet ewlenin minn impriżi konġunti:

L-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew żiedet sostanzjalment il-livell u l-kwalità tal-investimenti fil-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja fil-livell Ewropew fi sforz uniku u koordinat mal-Istati Membri.

Sa tmiem l-2020, l-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew ser tipprovdi lill-UE bl-aqwa supercomputers fid-dinja.

L-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew ser jipprovdi sors Ewropew ta’ teknoloġiji ewlenin.

Provvista u suq Ewropej tat-teknoloġija tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja.

L-istrateġija tal-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew u l-impatt tagħha fuq il-katina tal-valur tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja.

3.   Xejriet tas-suq u tagħlimiet ewlenin miksuba

3.1

Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni Ewropea jippreżenta l-aħħar ċifri tas-suq tal-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew u jipprovdi ħarsa ġenerali lejn it-tagħlimiet ewlenin miksuba mill-attivitajiet tal-Impriża Konġunta s’issa.

3.2

Tagħlimiet meħuda mill-governanza u l-amministrazzjoni tal-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew: l-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew diġà kisbet esperjenza ta’ ħidma konkreta, b’diskussjonijiet estensivi fost il-partijiet ikkonċernati dwar il-governanza, l-amministrazzjoni u aspetti operattivi oħra. Eżempji jinkludu:

it-13-il laqgħa tal-Bord ta’ Tmexxija tal-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew bil-parteċipazzjoni regolari ta’ delegati mill-Kummissjoni Ewropea u mit-32 stat parteċipanti;

il-Gruppi Konsultattivi tal-Impriża Konġunta (il-Grupp Konsultattiv għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u l-Grupp Konsultattiv għall-Infrastruttura) diġà kellhom bosta laqgħat u ġew appoġġjati bl-involviment attiv taż-żewġ membri privati (ETP4HPC u BDVA);

l-għażla tat-tmien siti ospitanti u t-tnedija tal-proċedura ta’ akkwist għat-tmien supercomputers tal-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew, u t-tnedija tas-sejħiet tal-Impriża Konġunta tal-2019 u tal-2020.

3.3

Hemm 22 aspett ta’ implimentazzjoni li minnhom it-tagħlimiet ewlenin li ttieħdu s’issa jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:

semplifikazzjoni tal-iskema ta’ kofinanzjament;

it-tagħqid tal-fondi tal-UE u dawk nazzjonali fl-attivitajiet differenti tal-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew jeħtieġ li jiġi ssemplifikat u ottimizzat;

ir-rakkomandazzjonijiet jinkludu sett uniku ta’ kriterji ta’ eliġibbiltà għall-parteċipazzjoni (minflok 32 kriterju nazzjonali differenti ta’ eliġibbiltà);

l-implimentazzjoni tal-ġestjoni ċentrali tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji kollha (ħlief f’każijiet debitament ġustifikati), f’konformità mal-Artikolu 8(1)(c) tar-Regolament propost li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa u l-flessibbiltà fl-introduzzjoni ta’ perċentwali differenti ta’ finanzjament nazzjonali u tal-UE biex jingħataw fondi lill-parteċipanti fl-attivitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni;

aktar flessibbiltà fil-kontribuzzjoni tal-membri privati u atturi privati oħra għall-attivitajiet tal-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew, b’mod partikolari billi jiġu inklużi forom ġodda ta’ kooperazzjoni, pereżempju bil-kofinanzjament ta’ infrastruttura speċifika tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja għall-użu industrijali.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-maġġoranza tal-imsieħba tal-proġetti huma minn organizzazzjonijiet ta’ riċerka (75 % tal-finanzjament totali tal-proġetti tat-Teknoloġiji Futuri u Emerġenti), li l-interess primarju tagħhom mhuwiex l-industrijalizzazzjoni tar-riżultati miksuba. Sforzi ta’ taħriġ imtejba u sostnuti ser ikunu wkoll fattur ewlieni fl-isfruttar sħiħ mhux biss tas-supercomputers li jmiss fuq skala preeksa u fuq skala eksa ffinanzjati mill-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew iżda wkoll tal-ġenerazzjonijiet futuri tal-informatika. Il-bidla minn Computing ta’ Prestazzjoni Għolja ċċentrat fuq is-simulazzjonijiet lejn l-integrazzjoni tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja f’kontinwità sħiħa tal-infrastruttura tal-IT, minn Edge għal Computing ta’ Prestazzjoni Għolja, hija sfida ewlenija. Dan ikun jeħtieġ l-iżvilupp ta’ relazzjoni b’saħħitha bejn il-komunità tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja u ekosistemi oħra bħall-big data, l-intelliġenza artifiċjali u l-Internet tal-Oġġetti. L-Ewropa tista’ tkun mexxejja dinjija hawnhekk jekk jitkompla l-momentum maħluq mill-Orizzont 2020.

Brussell, is-27 ta’ Jannar 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1488 tat-28 ta' Settembru 2018 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta għall-Computing ta' Prestazzjoni Għolja Ewropew (ĠU L 252, 8.10.2018, p. 1).

(2)  Il-mument tal-Ewropa: Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss — COM(2020) 456 final.

(3)  Equipping Europe for world-class High Performance Computing in the next decade — SWD(2020) 179 final (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  Equipping Europe for world-class High Performance Computing in the next decade — SWD/2020/179 final (mhux disponibbli bil-Malti).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 201/1488.


9.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/12


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro”

[COM(2020) 746 final]

(2021/C 123/03)

Relatur:

Judith VORBACH

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 27.11.2020

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sezzjoni

14.12.2020

Adottata fil-plenarja

27.1.2021

Sessjoni plenarja Nru

557

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

235/1/8

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

L-UE daħlet fl-agħar reċessjoni fl-istorja tagħha. L-inċertezza tipprevali, u huma mistennija riskji serji. Il-kriżi pandemika wkoll x’aktarx li taggrava l-iżbilanċi u l-inugwaljanzi. Fid-dawl ta’ dan, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni. Il-KESE jirrakkomanda wkoll approċċ ta’ politika ekonomika li jappoġġja l-irkupru, iżid l-investiment, ikompli jintegra s-suq uniku, jiżgura kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, u japprofondixxi l-UEM. Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-pakkett ta’ Next Generation EU u jħeġġeġ li jintlaħqu l-ftehimiet meħtieġa mill-aktar fis possibbli.

1.2

L-irkupru jkun ta’ suċċess biss jekk ikun akkumpanjat minn ristrutturar tal-ekonomija u s-soċjetà tagħna. Il-bini mill-ġdid tal-fiduċja huwa kruċjali sabiex tiġi stabbilizzata d-domanda. Ir-regoli fiskali għandhom jiġu trasferiti lejn governanza ekonomika aktar orjentata lejn il-prosperità, inkluża regola tad-deheb, u ma għandhomx jerġgħu jiġu implimentati qabel ma l-qgħad jonqos b’mod sinifikanti. L-impatt tal-kriżi fuq l-inugwaljanza u fuq in-nuqqas ta’ sigurtà soċjoekonomika għandu jiġi kkunsidrat b’aktar attenzjoni. Kemm in-negozju kif ukoll l-ambjent soċjali għandhom jittejbu. Hemm bżonn ta’ involviment aħjar tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili fil-politika dwar it-tibdil fil-klima u l-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll riforma deċiżiva tal-politiki tat-tassazzjoni sabiex jiġu indirizzati l-isfidi ekonomiċi, soċjali u ambjentali. L-Unjoni Bankarja u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali jridu jitlestew, filwaqt li tingħata prijorità lill-istabbiltà tas-suq finanzjarju.

2.   Sfond

Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni biex:

2.1

Tiġi żgurata pożizzjoni politika li tappoġġja l-irkupru: il-politiki fiskali għandhom jibqgħu ta’ appoġġ matul l-2021. Meta l-kundizzjonijiet jippermettu, jitneħħa gradwalment l-appoġġ b’mod li jtaffi l-impatt soċjali u fuq is-suq tax-xogħol tal-kriżi, filwaqt li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tad-dejn. Tittejjeb il-ġestjoni finanzjarja pubblika u n-nefqa pubblika tiġi ffukata fuq il-ħtiġijiet ta’ rkupru u reżiljenza.

2.2

Jiġu implimentati riformi li jsaħħu l-produttività u l-impjiegi, iżidu l-investiment biex jiġi appoġġjat irkupru konsistenti ma’ tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali ġusti. Ikomplu jintegraw is-suq uniku. Jiġu żgurati politiki attivi tas-suq tax-xogħol, kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u l-involviment tal-imsieħba soċjali fit-tfassil tal-politika. Jiġu indirizzati l-isfidi tat-taxxa li jirriżultaw mid-diġitalizzazzjoni, jiġi miġġieled l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u jiġu appoġġjati l-ipprezzar tal-karbonju u t-tassazzjoni ambjentali.

2.3

Jissaħħu l-oqfsa istituzzjonali nazzjonali: l-antiċipazzjoni tar-riformi biex jiġi żgurat l-użu tal-fondi tal-UE, it-tisħiħ tal-effikaċja amministrattiva, it-tnaqqis tal-piż amministrattiv għall-kumpaniji, l-istabbiliment ta’ oqfsa effettivi għall-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus. Jittejbu l-oqfsa ta’ insolvenza, l-iskoperturi improduttivi u l-allokazzjoni tal-kapital.

2.4

Tiġi żgurata l-istabbiltà makrofinanzjarja: jinżammu l-mezzi ta’ kreditu għall-ekonomija u l-miżuri li jappoġġjaw kumpaniji vijabbli. Jinżammu karti tal-bilanċ sodi tas-settur bankarju, inkluż billi jkompli jiġi indirizzat is-self improduttiv.

2.5

Isir progress fl-approfondiment tal-UEM biex tiżdied ir-reżiljenza. Dan se jikkontribwixxi għar-rwol internazzjonali tal-euro u jippromovi l-interessi ekonomiċi tal-Ewropa fuq livell globali.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-prospetti diżastrużi tat-Tbassir Ekonomiku tar-Rebbiegħa 2020, skont liema fl-2020 “l-UE waqgħet fir-reċessjoni ekonomika l-aktar profonda fl-istorja tagħha” ġew ikkonfermati. Il-kriżi tal-COVID-19 ipproduċiet serje ta’ xokkijiet mil-lat tad-domanda u tal-provvista li jsarrfu fi tnaqqis mistenni fil-PDG ta’ 7,8 % fl-2020. Is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol ukoll marret għall-agħar, għalkemm minħabba miżuri politiċi ambizzjużi – bħal skemi ta’ xogħol għal żmien qasir – it-tnaqqis ekonomiku mhuwiex rifless b’mod sħiħ fir-rati tal-qgħad. Madankollu, qed niffaċċjaw tnaqqis fis-sigħat totali maħduma u tnaqqis fir-rati tal-attività hekk kif il-ħaddiema skoraġġuti ħarġu mis-suq tax-xogħol.

3.2

L-irkupru fl-2021 huwa mistenni li jkun aktar bil-mod milli mistenni. L-inċertezza konsiderevoli tippredomina. Il-KESE jisħaq fuq l-importanza li jiġu antiċipati sensiela ta’ riskji gravi, inkluża reċessjoni doppja, qgħad tal-massa, fallimenti, instabbiltà tas-swieq finanzjarji, deflazzjoni, u l-effetti negattivi tal-inċertezza fuq il-konsum u l-investiment innifsu. Il-kriżi pandemika x’aktarx ukoll li taggrava l-problemi eżistenti, pereżempju l-livell baxx ta’ investiment, it-twessigħ tad-diverġenzi fost l-Istati Membri u r-reġjuni, l-inugwaljanzi fis-soċjetajiet, u t-tensjonijiet politiċi. Barra minn hekk, l-iżviluppi fl-2021 jistgħu jissarrfu f’effetti negattivi fit-tul, filwaqt li l-indirizzar tal-kriżi klimatika se jibqa’ kwistjoni urġenti.

3.3

F’dan ir-rigward, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-pakkett ta’ rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni. Ħafna mill-kunsiderazzjonijiet espressi fl-Opinjoni addizzjonali tal-KESE dwar Il-politika ekonomika taż-żona tal-euro 2020 (1) huma riflessi fihom. Barra minn hekk, l-irkupru jkun ta’ suċċess biss jekk ikun akkumpanjat minn ristrutturar tal-ekonomija u s-soċjetà tagħna sabiex tinkiseb Unjoni aktar integrata, aktar demokratika u żviluppata aħjar soċjalment. Fl-2021, ir-responsabbiltajiet ewlenin ta’ dawk li jfasslu l-politika ekonomika se jkunu li joħolqu ambjent li jwassal għal tkabbir sostenibbli u inklużiv. Għalhekk huwa essenzjali li terġa’ tinbena l-fiduċja.

3.4

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ ir-rispons qawwi fil-livell tal-UE għall-ġlieda kontra l-kriżi, inkluża l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Hemm ħtieġa urġenti ta’ solidarjetà li tippermetti rkupru rapidu u effettiv. In-negozji, il-ħaddiema u s-soċjetà ċivili Ewropej jirrikjedu riżorsi biex jiffaċċjaw il-kriżi. Għalhekk, la għandhom jitqajmu dubji dwar il-pjan ta’ rkupru u lanqas ma għandha tiġi posposta l-implimentazzjoni tiegħu. Il-ftehimiet kollha meħtieġa għandhom jintlaħqu mill-aktar fis possibbli.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li tiġi żgurata pożizzjoni politika li tappoġġja l-irkupru. It-tneħħija gradwali ta’ miżuri ta’ appoġġ kmieni wisq tnaqqas l-effetti tal-miżuri tal-UE għall-ġlieda kontra l-kriżi. Il-gvernijiet għandhom ikunu jistgħu jimplimentaw il-miżuri neċessarji, irrispettivament mil-livell ta’ dejn attwali tagħhom. L-aħjar mod biex jinkisbu finanzi pubbliċi sostenibbli huwa li jiġi ssalvagwardjat it-tkabbir sostenibbli u inklużiv. L-appoġġ għall-produttività jista’ jaċċellera t-tnaqqis tad-defiċit fis-snin li ġejjin. (2) Sabiex jiġi evitat ir-ritorn għal regoli fiskali qodma u tiġi ġestita bidla lejn governanza ekonomika ffukata fuq il-prosperità (3), il-KESE jinkoraġġixxi li l-proċess ta’ rieżami jerġa’ jinbeda mill-aktar fis possibbli. Regoli fiskali modernizzati ma għandhomx, fi kwalunkwe każ, jerġgħu jiġu implimentati qabel ma l-qgħad jonqos b’mod sinifikanti.

4.2

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li jittejjeb il-livell tal-investiment privat u pubbliku. Sabiex jinkiseb irkupru fuq perjodu qasir ta’ żmien, tissaħħaħ il-kompetittività, tibqa’ qawwa ekonomika globali u tiġi salvagwardjata bażi soċjali u ambjentali għall-benesseri tal-ġenerazzjonijiet futuri, hemm bżonn urġenti li jkun hemm tranżizzjoni lejn investiment sostenibbli u ekoloġiku, investiment fl-infrastruttura u l-kura tas-saħħa u/jew investiment li joħloq produttività ogħla. L-infiq fuq it-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema għandu jitqies ukoll bħala investiment. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għar-rakkomandazzjoni tiegħu li tiġi adottata “regola tad-deheb”.

4.3

Il-pandemija qed iżżid l-inugwaljanzi u l-esklużjoni soċjali. Ħafna nisa, migranti, persuni b’diżabilità jew żgħażagħ qed iġarrbu l-effetti tal-kriżi. Dawk li kienu diġà vulnerabbli qabel il-kriżi x’aktarx li jkunu l-aktar li jintlaqtu. Iżda ħafna impjegati b’impjiegi ta’ kwalità għolja jħossuhom ukoll fir-riskju li l-kundizzjonijiet tax-xogħol jew l-introjtu jiddeterjoraw jew jirriskjaw li jitilfu xogħolhom. Il-KESE jitlob li l-ġlieda kontra l-inugwaljanza ssir prijorità fil-miżuri kollha ta’ rkupru previsti. L-impatt tal-kriżi fuq l-esklużjoni soċjali iżda wkoll fuq in-nuqqas ta’ sigurtà soċjoekonomika li qed jiżdied, li taffettwa parti sostanzjali tal-popolazzjoni, għandu jiġi kkunsidrat b’aktar attenzjoni. Il-benefiċċji tal-irkupru għandhom jitqassmu b’mod ugwali. Dan huwa kruċjali wkoll biex tissaħħaħ il-fiduċja u tiġi stabbilizzata d-domanda.

4.4

L-integrazzjoni ulterjuri tas-suq uniku għandha tibqa’ prijorità ewlenija. Dan jinkludi l-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. It-titjib tan-negozju u tal-ambjent soċjali jrid jimxi id f’id. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għad-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni dwar it-twettiq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU (Delivering on the UN’s Sustainable Development Goals), li jinnota li l-SDGs ser iżommu lill-UE ffukata fuq triq ta’ tkabbir sostenibbli kompatibbli mal-limiti tal-pjaneta, dwar il-benesseri, l-inklużjoni u l-ekwità. Dan jirrikonoxxi li l-ekonomija trid taħdem għan-nies u l-pjaneta. Inizjattivi għal Ewropa aktar soċjali jinkludu – fost ħafna oħrajn – proposta għal Direttiva dwar pagi minimi adegwati u Pjan ta’ Azzjoni biex jiġi implimentat il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-KESE adotta wkoll Opinjonijiet dwar Direttiva Qafas Ewropea dwar l-introjtu minimu (4) u dwar standards minimi Ewropej fil-qasam tal-assigurazzjoni tal-qgħad (5).

4.5

Jintlaqgħu wkoll ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar is-suq tax-xogħol, inkluż it-trawwim ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, l-iżgurar tal-involviment tal-imsieħba soċjali fit-tfassil tal-politika u t-tisħiħ tad-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv. Il-KESE jappella għal standards ogħla fir-rigward tal-involviment tal-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili fil-politika dwar it-tibdil fil-klima. Il-bidla strutturali biex tinkiseb ekonomija ħielsa mill-karbonju tista’ tiġi appoġġjata minn djalogu soċjali bejn ir-reġjuni u l-imsieħba soċjali kkonċernati sabiex jiġu ssalvagwardjati l-aspetti soċjali. Ser ikun kruċjali wkoll li jiġi żgurat l-involviment tas-soċjetà ċivili fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-pjani nazzjonali għall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li hija mistennija tkun immonitorjat mill-proċess tas-Semestru.

4.6

Huma meħtieġa oqfsa effettivi biex jiġġieldu kontra l-evażjoni tat-taxxa, l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, il-ħasil tal-flus u l-korruzzjoni. Il-KESE jappella għal riforma deċiżiva tal-politiki tat-tassazzjoni sabiex jiġu indirizzati l-isfidi ekonomiċi, soċjali u ambjentali. Dan jinkludi li l-piż tat-taxxa jiċċaqlaq minn fuq ix-xogħol għal fuq bażijiet tat-taxxa li huma inqas detrimentali għall-provvista tax-xogħol, waqt li jitqiesu l-impatt distribuzzjonali relatat u l-evitar ta’ effetti rigressivi. Il-KESE jitlob ukoll li tittieħed azzjoni urġenti dwar il-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata skont it-termini rakkomandati fl-Opinjonijiet preċedenti tiegħu (6). Il-kunċett ta’ tassazzjoni minima effettiva tal-profitti korporattivi u l-applikazzjoni possibbli tiegħu għandhom jiġu esplorati. Fl-aħħar nett, il-KESE jappella għal progress sostanzjali fl-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda kif deskritt fil-pjan ta’ rkupru.

4.7

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li l-Unjoni Bankarja u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali għandhom jitlestew, bl-istabbiltà tas-suq finanzjarju bħala prijorità. Fis-settur bankarju, il-ħlas tad-dividendi issa huwa limitat, prinċipalment b’mod volontarju. Il-possibbiltà li dawn il-limiti jitkomplew u tiġi introdotta mill-ġdid sospensjoni diretta tal-ħlasijiet matul il-perjodu ta’ rkupru għandha tiġi kkunsidrata għall-banek li qed jibbenefikaw minn diversi miżuri ta’ appoġġ pubbliku. Dan inaqqas ir-riskju ta’ instabbiltà fis-swieq finanzjarji u jista’ jtejjeb ukoll ir-redditi mistennija tal-banek.

Brussell, is-27 ta’ Jannar 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  ĠU C 10, 11.1.2021, p. 79,

(2)  Il-Bank Nazzjonali tal-Belġju jistma li d-defiċit ta’ darba fl-2020 li huwa relatat mal-kriżi għandu effett ta’ darba potenzjali ta’ -4,6 % tal-PDG.

(3)  ĠU C 429, 11.12.2020, p. 227.

(4)  ĠU C 190, 5.6.2019, p. 1.

(5)  ĠU C 97, 24.3.2020, p. 32.

(6)  ĠU C 353, 18.10.2019, p. 90, ĠU C 364, 28.10.2020, p. 29.


9.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/15


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil”

[COM(2020) 609 final]

(2021/C 123/04)

Relatur:

José Antonio MORENO DÍAZ

Korelatur:

Cristian PÎRVULESCU

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 11.11.2020

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

17.12.2020

Adottata fil-plenarja

27.1.2021

Sessjoni plenarja Nru

557

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

203/0/19

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Jeħtieġ li l-UE ssib il-bilanċ it-tajjeb bejn il-ġestjoni effettiva u realistika tal-migrazzjoni li tkun umana u sostenibbli, filwat li tiżgura u s-sigurtà u l-kontroll tal-fruntieri esterni tagħha. Barra minn hekk, l-UE għandha tibgħat messaġġ ċar lill-Ewropej li l-migrazzjoni tista’ tiġi ġestita aħjar b’mod kollettiv.

1.2

Il-KESE ħa nota tal-preżentazzjoni tal-Patt ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil (PMA), li jiddeskrivi fid-dettall il-pjani ta' ħidma ta' ħames snin tal-Kummissjoni dwar il-ġestjoni komuni tal-immigrazzjoni u l-ażil. F’dan is-sens, huwa aktar aġenda ta’ ħidma tal-Kummissjoni milli patt. Il-proposti li jakkumpanjaw il-PMA huma importanti iżda mhumiex biżżejjed biex jiġi żviluppat qafas Ewropew komuni għall-ġestjoni tal-migrazzjoni, li jkun kemm effettiv kif ukoll konformi mal-valuri u l-objettivi tal-UE. Il-KESE jesprimi dispjaċir dwar il-fatt li l-PMA ġdid jiddedika l-biċċa l-kbira tal-proposti tiegħu għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni u r-ritorn, filwaqt li jonqos milli jagħti l-attenzjoni dovuta lil kanali regolari ta' immigrazzjoni, lil perkorsi sikuri għall-ażil jew lill-inklużjoni u l-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi fl-UE.

1.3

Il-KESE jesprimi dispjaċir dwar il-fatt li l-PMA ma jsemmix il-Patt Globali għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari tan-Nazzjonijiet Uniti (2018) bħala prekursur multilaterali għal proposta għall-ġestjoni internazzjonali tal-migrazzjoni. Aħna nappoġġjaw it-tisħiħ ta' sistema multilaterali globali bbażata fuq ir-regoli (1), inkluż fil-qasam tal-mobilità u l-migrazzjoni, u ninkoraġġixxu lill-Kummissjoni tikkoordina l-Aġenda l-ġdida mal-politiki u l-istrumenti globali (2). Barra minn hekk, inħeġġu lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jpoġġu l-migrazzjoni u l-mobbiltà fil-kuntest tal-Qafas tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli usa' tan-NU.

1.4

Il-PMA jenfasizza b'mod korrett l-inkonsistenzi bejn is-sistemi tal-ażil u r-ritorn tal-Istati Membri, u jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied is-solidarjetà. Madankollu, mhuwiex ċar jekk il-prinċipju ta' solidarjetà volontarja u selettiva hux se jgħin isolvi l-isfidi kbar fil-koordinazzjoni. Ma jissemmew bl-ebda mod l-inċentivi biex l-Istati Membri jipparteċipaw f'dan il-mekkaniżmu, speċjalment wara r-rifjut ta' wħud minnhom li jipparteċipaw fil-mekkaniżmu ta' rilokazzjoni ta' emerġenza preċedenti. Jekk jiġu inċentivati biex jipparteċipaw, mhuwiex fil-qasam tar-rilokazzjoni li hemm l-aktar problema urġenti, diffiċli u għalja, iżda fil-qasam tal-bini tal-kapaċitajiet u tar-ritorn.

1.5

Il-KESE jqis li la s-sistema ta’ skrinjar qabel id-dħul u lanqas il-proċeduri fuq il-fruntieri previsti mhuma adatti. L-ewwel nett, is-sistema ta’ skrinjar ma tipprovdix biżżejjed garanziji proċedurali biex jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali tal-persuni li jaċċessawha. Kif inhi bħalissa, tpoġġi pressjoni akbar fuq il-pajjiżi biex jieħdu deċiżjoni malajr u għalhekk ma tagħtix l-attenzjoni dovuta għad-drittijiet individwali stabbiliti fil-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951, speċjalment għan-non-refoulement. It-tieni, kif kien il-każ bl-approċċ hotspot, il-kundizzjonijiet tal-akkoljenza kemm għall-migranti kif ukoll għall-persuni li jfittxu l-ażil huma ta' tħassib serju li għandu jiġi indirizzat b'mod sħiħ (3).

1.6

Il-KESE jistenna bil-ħerqa li jirċievi l-istrateġija tal-UE dwar ir-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni, dokument li huwa ttamat li se javvanza b'mod sinifikanti miżuri ta' riintegrazzjoni b'saħħithom, u b'hekk jitbiegħed minn approċċ iffukat primarjament fuq l-infurzar tal-liġi. Ir-ritorn għandu jinvolvi diversi atturi soċjali, ekonomiċi u politiċi li jistgħu joħolqu ambjent aktar kompensiv u uman.

1.7

Il-Kumitat jilqa' l-inizjattivi ta' salvataġġ fil-baħar li ġenwinament ifittxu li jsalvaw il-ħajjiet. Għall-KESE, it-tiftix u s-salvataġġ fil-baħar huma obbligu legali internazzjonali li għandu jiġi ssodisfat mill-Istati Membri, filwaqt li għandhom jiġu pprovduti mekkaniżmi pubbliċi effettivi u adegwati għal dan l-għan. B'rabta ma' dan, il-KESE jqis li huma meħtieġa sforzi sostnuti sabiex tiġi evitata l-kriminalizzazzjoni tal-atturi umanitarji li jwettqu l-operazzjonijiet tant bżonnjużi ta' tiftix u salvataġġ.

1.8

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir l-inizjattivi biex jittejbu r-responsabbiltà kondiviża u l-governanza tal-flussi migratorji ma’ pajjiżi li mhumiex fl-UE. Il-Kumitat, madankollu, huwa mħasseb dwar l-użu ta' mekkaniżmi ta' kooperazzjoni li jistgħu jwasslu għall-esternalizzazzjoni tal-ġestjoni tal-migrazzjoni tal-UE jew jibdlu l-ġestjoni tal-migrazzjoni f’inċentiv negattiv għal dawn il-pajjiżi, kif ukoll dwar it-tentazzjoni li l-għajnuna għall-iżvilupp u l-kooperazzjoni jsiru kundizzjonali fuq l-iżvilupp ta' politiki ta' kontroll tal-migrazzjoni u/jew riammissjoni.

1.9

Il-KESE jilqa' l-iżvilupp ta' perkorsi sikuri u legali biex jiġi aċċessat it-territorju Ewropew, speċjalment permezz tar-risistemazzjoni u ta' programmi sponsorjati mill-komunità. Madankollu, huwa jqis li dawn il-perkorsi jissodisfaw biss il-ħtiġijiet ta' individwi bi profil speċifiku u ma jipprovdux reazzjonijiet komprensivi, effettivi jew siguri għall-ħtieġa ta' perkorsi regolari ta' immigrazzjoni fl-UE. Il-KESE jesprimi dispjaċir dwar il-fatt li l-miżuri biex jittejbu r-rotot ta' dħul legali huma limitati biex jiġi attirat it-talent u jiġu riveduti l-Karta Blu u direttivi ta' studju u riċerka. Approċċ komprensiv għall-mobilità huwa essenzjali sabiex jiġu offruti alternattivi li jmorru lil hinn mill-kontroll fuq il-fruntieri u r-ritorn.

1.10

Il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-għajxien ta' bosta ċittadini ta' pajjiżi terzi, speċjalment ta' dawk li jaħdmu fl-agrikoltura. L-Istati Membri u l-korpi speċjalizzati tagħhom għandhom jindirizzaw il-każijiet ta' abbuż u sfruttament u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u t-trade unions għandhom jiġu mħeġġa jikkomunikaw ma' ċittadini ta' pajjiżi terzi, irrispettivament mil-livell ta' impjieg u paga tagħhom.

1.11

Il-KESE huwa mħasseb li l-ġlieda kontra n-networks jista’ jkollha l-effett li jinkisru d-drittijiet ta’ vittmi tat-traffikar u ta’ dħul klandestin, u huwa mħasseb b’mod partikolari dwar l-involviment ta’ pajjiżi li mhumiex fl-UE fejn id-drittijiet fundamentali ta’ tali individwi, jew il-kundizzjonijiet ta’ għajxien deċenti, ma jiġux irrispettati. Rajna, pereżempju, kif il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin tintuża bħala tentattiv biex tiġi kriminalizzata l-azzjoni umanitarja.

1.12

Il-KESE jemmen li l-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' persuni u kontra n-networks tat-traffikar għandha tkompli, u jirrikonoxxi b'mod sħiħ il-ħtieġa li d-direttiva dwar is-sanzjonijiet għal dawk li jħaddmu lin-nies b'mod illegali ssir aktar effettiva.

1.13

Il-KESE jistenna bil-ħerqa l-iżvilupp tal-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni għall-2021-2027 (4) ippreżentat reċentement. Il-KESE huwa ddiżappuntant li din il-kwistjoni, li hija kruċjali għall-koeżistenza fis-soċjetajiet tagħna, ftit li xejn tingħata attenzjoni fil-PMA. Ma hemm l-ebda indikazzjoni fil-Komunikazzjoni tal-iskala u l-istruttura tal-appoġġ għall-miżuri tal-integrazzjoni. Il-KESE għandu esperjenza estensiva bil-kwistjonijiet relatati mal-integrazzjoni u sfortunatament il-PMA l-ġdid fil-forma attwali tiegħu għandu nuqqas ta' ambizzjoni u ċarezza rigward l-għodod u l-inċentivi offruti lil partijiet ikkonċernati differenti.

2.   Kuntest

2.1.

Fit-23 ta' Settembru, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat l-aġenda ta' ħidma l-ġdida tagħha dwar l-immigrazzjoni u l-ażil, Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil. Dan id-dokument huwa bbażat fuq l-aġendi ta' ħidma li ilhom jiġu żviluppati f'dan il-qasam mill-1999, f'ordni kronoloġiku: Tampere (1999), The Hague (2004), Stokkolma (2009) u l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni (2015).

2.2.

Il-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil għandu l-għan li jipprovdi qafas ġdid għall-azzjoni biex tiġi żgurata l-libertà tal-moviment fiż-żona Schengen, jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet fundamentali u tinkiseb politika tal-migrazzjoni effettiva. Il-PMA ilu jitħejja minn Diċembru 2019, inklużi żewġ sensiliet ta' konsultazzjoni mal-Istati Membri kollha, mal-Parlament Ewropew, mal-parlamenti nazzjonali, mas-soċjetà ċivili, mal-imsieħba soċjali u man-negozji, bil-għan li tiġi inkorporata firxa ta' perspettivi differenti. Il-PMA se jiġi ppreżentat dalwaqt lill-Parlament u lill-Kunsill.

2.3.

L-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni tal-2015 ipprovdiet rispons immedjat għas-sitwazzjoni ta' kriżi fil-Mediterran, iżda l-PMA għandu l-għan li jiżgura qafas Ewropew ġdid u dejjiemi biex jiġu indirizzati l-isfidi differenti li qed jiffaċċjaw l-Istati Membri, kemm f'sitwazzjonijiet normali kif ukoll f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza jew kriżi, b'modi li dejjem jirriflettu l-valuri Ewropej.

2.4.

Il-Kummissjoni tosserva fil-PMA li, mill-2019, fl-Ewropa jgħixu 20.9 miljun ċittadin ta' pajjiż terz (4,7 % tal-popolazzjoni totali) u li f'dik is-sena nħarġu madwar 3 miljun permess ta' residenza għall-ewwel darba fl-Istati Membri. Il-pajjiż tal-UE ospitaw 2,6 miljun rifuġjat fl-2019 (0,6 % tal-popolazzjoni totali tal-UE) u f'dik is-sena tressqu 698 000 applikazzjoni ġdida għall-ażil. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li fl-2019, 142 000 persuna ppruvaw jidħlu fit-territorju tal-Unjoni Ewropea illegalment, u li terz biss tar-ritorni twettqu verament.

2.5.

Sabiex jindirizza dan il-kuntest il-ġdid, li huwa differenti ħafna mill-perjodu ta' bejn l-2015 u l-2016, il-PMA jfittex li jqassam ir-responsabbiltà b'mod aktar ġust bejn l-Istati Membri u jtejjeb is-solidarjetà bejniethom, filwaqt li jagħmel progress fuq ġestjoni aktar effettiva tal-migrazzjoni, l-ażil u l-fruntieri, b'governanza aħjar u bi tnaqqis tad-disparitajiet attwali.

2.6.

Il-PMA jiffoka fuq tliet oqsma ewlenin: (1) it-titjib tal-kooperazzjoni ma' pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu li mhumiex fl-UE biex tittejjeb il-ġestjoni tal-migrazzjoni, (2) it-titjib tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE, iż-żieda fil-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni teknika u ta' identifikazzjoni, u l-emendar u l-aġġornament tal-proċeduri sabiex tiġi żgurata ċarezza akbar fl-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet, u (3) l-istabbiliment ta' mekkaniżmu permanenti ġdid għas-solidarjetà.

2.7.

B'mod speċifiku, il-PMA għandu l-għan li jippromovi l-ġestjoni soda u ġusta tal-fruntieri esterni, inklużi verifiki tal-identità, tas-saħħa u tas-sigurtà; regoli ġusti u effiċjenti dwar l-ażil, li jissemplifikaw il-proċeduri tal-ażil u tar-ritorn; mekkaniżmu ta' solidarjetà ġdid għal sitwazzjonijiet ta' tiftix u salvataġġ, pressjoni u kriżi; tbassir aħjar, tħejjija u reazzjoni għall-kriżijiet; politika ta' ritorn effettiva u approċċ ikkoordinat mill-UE għar-ritorni; governanza komprensiva fil-livell tal-UE għal ġestjoni u implimentazzjoni aħjar tal-politiki dwar l-ażil u l-migrazzjoni; sħubiji ta' benefiċċju reċiproku ma' pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu terzi ewlenin; l-iżvilupp ta' perkorsi legali sostenibbli għal dawk li jeħtieġu protezzjoni u biex jattiraw it-talent lejn l-UE; u appoġġ għal politiki ta' integrazzjoni effettivi.

2.8.

Il-preżentazzjoni tal-PMA hija akkumpanjata minn dokumenti ġodda oħrajn, li jistħoqqilhom kunsiderazzjoni akbar, minħabba li jistabbilixxu d-dettalji tal-aġenda ta' ħidma proposta fil-PMA. Il-Kummissjoni (1) tipproponi Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u tal-Migrazzjoni, inkluż mekkaniżmu ta' solidarjetà ġdid; il-leġiżlazzjoni l-ġdida hija proposta biex tiġi stabbilita proċedura ta' skrinjar fil-fruntiera esterna; (2) temenda l-proposta għal Regolament ġdid dwar il-Proċeduri tal-Ażil biex tinkludi proċedura fuq il-fruntiera ġdida u l-proċeduri tal-ażil isiru aktar effettivi; (3) temenda l-proposta tar-Regolament Eurodac biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tad-data tal-qafas il-ġdid għall-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni tal-UE; (4) tistabbilixxi strateġija ġdida dwar ir-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni; (5) tadotta Rakkomandazzjoni dwar il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-attivitajiet ta' salvataġġ imwettqa minn entitajiet privati; (6) tippreżenta r-Rakkomandazzjoni dwar perkorsi legali għall-protezzjoni fl-UE, inkluża r-risistemazzjoni; (7) tipproponi leġiżlazzjoni li tindirizza sitwazzjonijiet ta' kriżi u force majeure u li tħassar id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja, u (8) tippreżenta Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet Migratorji.

3.   Kummenti dwar il-preżentazzjoni tal-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil

3.1

Il-KESE ħa nota tal-preżentazzjoni tal-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil (PMA), peress li jiddeksrivi fid-dettall il-pjani ta' ħidma ta' ħames snin tal-Kummissjoni dwar il-ġestjoni komuni tal-immigrazzjoni u l-ażil. Il-proposti li jakkumpanjaw il-PMA huma importanti iżda mhumiex biżżejjed biex jiġi żviluppat qafas Ewropew komuni għall-ġestjoni tal-migrazzjoni, u dawn għandhom ikunu kemm effettivi kif ukoll konformi mal-valuri u l-objettivi tal-UE. Għalhekk, il-KESE jqis li huwa essenzjali li jiġu eżaminati fid-dettall.

a.

Qafas komuni Ewropew għall-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-ażil

3.2

Il-PMA jenfasizza b'mod korrett l-inkonsistenzi bejn is-sistemi tal-ażil u r-ritorn tal-Istati Membri, u jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied is-solidarjetà fl-UE billi jingħelbu n-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni u tittejjeb u tissaħħaħ il-kooperazzjoni ma' pajjiżi li mhumiex fl-UE. Madankollu, mhuwiex ċar jekk il-prinċipju ta' solidarjetà volontarja u selettiva hux se jgħin isolvi l-isfidi kbar fil-koordinazzjoni tal-aħħar għaxar snin.

3.3

Il-PMA għandu l-għan li jtejjeb il-proċeduri tad-dħul billi jiffaċilita l-identifikazzjoni rapida ta' persuni li japplikaw għal rifuġju u billi jmexxi 'l quddiem il-proċessi ta' ritorn ta' dawk li jippruvaw jaslu fit-territorju Ewropew b'mod irregolari. Il-proposta għal proċeduri ġodda ta' skrinjar ta' qabel id-dħul hija maħsuba biex tiffaċilita l-ipproċessar rapidu, filwaqt li tippermetti r-ritorni lejn pajjiżi terzi li jkunu sikuri jew lejn pajjiżi ta' oriġini, u filwaqt li fl-istess ħin tiżgura li l-applikazzjonijiet jiġu eżaminati fuq bażi ta' każ b'każ.

3.4

Il-KESE jemmen li l-mekkaniżmi ta' skrinjar ta' qabel id-dħul huma kontribut ġdid li jistħoqqlu jiġi kkunsidrat, iżda jistaqsi kemm se jkun fattibbli li dawn jiġu implimentati fil-prattika. Il-perjodu ta' ħamest ijiem biex jitlesta l-iskrinjar mhux biss jidher li ma jgħinx lill-pajjiżi li jirċievu l-akbar ammont ta' persuni li jaslu irregolarment bil-baħar; iżda jidher ukoll li dan se jpoġġi pressjoni akbar fuq dawk il-pajjiżi biex jieħdu deċiżjoni malajr, u jagħmilha diffiċli ħafna biex dan isir bil-garanziji meħtieġa u f'konformità mal-prinċipji tas-sikurezza u l-protezzjoni tad-drittijiet taħt is-sistema tal-ażil internazzjonali, fi kliem ieħor, bil-kunsiderazzjoni dovuta għad-drittijiet fundamentali stabbiliti fil-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951. Lanqas mhuwa ċar kif se jittejbu l-proċeduri ta' ritorn, meta l-biċċa l-kbira ta' dawn ma ħadmux kif suppost — kif jirrikonoxxi l-PMA stess — mhux biss minħabba n-nuqqas ta' kapaċità teknika fil-pajjiżi tal-UE, iżda wkoll minħabba nuqqas ta' reazzjoni min-naħa tal-pajjiżi ospitanti.

3.5

Skont il-proposta l-applikazzjonijiet għall-ażil li jsiru fil-fruntieri esterni tal-UE għandhom jiġu vvalutati bħala parti mill-proċeduri tal-ażil tal-UE; dawn ma jikkostitwixxux dritt ta' dħul awtomatiku fl-UE. Din il-proċedura probabbilment se toħloq problemi kbar fis-siti ta' qabel id-dħul, siti li għandhom ikunu ppreparati biex jakkomodaw għadd sinifikanti ta' individwi u inċentiv addizzjonali biex isiru ritorni aktar malajr. Hemm il-periklu li l-proċedura fuq il-fruntiera tnaqqas is-salvagwardji u żżid id-detenzjoni jew ċirkostanzi simili ta’ detenzjoni. L-użu tal-kunċetti tal-“Informazzjoni dwar il-Pajjiż tal-Oriġini” u tal-“Pajjiżi Bla Periklu” fl-organizzazzjoni tal-iskrinjar ta' qabel id-dħul huma partikolarment problematiċi minħabba li jaħdmu kontra l-evalwazzjoni fuq bażi ta' każ b'każ (5). L-għoti tal-protezzjoni internazzjonali mhuwiex funzjoni taċ-ċittadinanza iżda tat-theddid u r-riskji fuq il-ħajja tal-individwi.

3.6

Il-KESE jilqa' l-fatt li huma mfittxija approċċi alternattivi biex jiġi ddeterminat l-Istat responsabbli għall-analiżi ta' applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fid-dawl tad-diffikultajiet li ġew identifikati s'issa. Il-KESE jistaqsi, madankollu, x'se jkunu dawn l-alternattivi u fiex se tikkonsisti l-bidla, meta l-proposta biex ir-regolament ġdid dwar il-proċeduri tal-protezzjoni internazzjonali jinkludi proċedura fuq il-fruntieri ġdida u jagħmel il-proċeduri tal-ażil aktar effiċjenti sempliċiment tistabbilixxi l-istess approċċ meħud mir-Regolament ta' Dublin fis-seħħ bħalissa.

3.7

Taħt il-mekkaniżmu ta' solidarjetà l-ġdid, l-Istati Membri se jkunu jistgħu jipparteċipaw fir-rilokazzjoni jew ir-ritorn sponsorizzat ta' persuni f'sitwazzjoni irregolari. Il-KESE għandu dubji dwar il-fattibbiltà ta' dan il-mekkaniżmu, li huwa bbażat ukoll fuq solidarjetà volontarja ipotetika. Ma jissemmewx l-inċentivi li l-Istati Membri se jkollhom bżonn biex jipparteċipaw f'dan il-mekkaniżmu, speċjalment wara r-rifjut ta' wħud minnhom li jipparteċipaw fil-mekkaniżmu ta' rilokazzjoni ta' emerġenza preċedenti (6) jew in-nuqqas ta' obbligu espliċitu: għandu jissemma li dan il-mekkaniżmu “bbażat fuq is-solidarjetà” jista' jkollu wkoll l-effett kuntrarju li l-individwu kkonċernat jiġi rilokat lejn l-Istat Membru sponsor, jekk ir-ritorn ma jitwettaqx verament fi żmien tmien xhur. Dan jista’ jwassal għal lakuni fl-obbligu ta’ rendikont fir-rigward tad-drittijiet tal-persuni rimpatrijati. Barra minn hekk, taħt il-mekkaniżmu ta’ solidarjetà propost il-ġdid, l-Istati Membri huma inċentivati biex ma jipparteċipawx fir-rilokazzjoni – l-aktar problema urġenti, diffiċli u għalja – u minflok jistgħu jagħżlu li jipparteċipaw fir-ritorn (7).

3.8

Il-KESE jilqa' t-tqassir tal-perjodi minn ħames snin għal tliet snin biex tiġi żgurata residenza fit-tul għal persuni li jgawdu protezzjoni internazzjonali meta jiddeċiedu li jibqgħu fl-Istat Membru li jkun tahom tali protezzjoni. Huwa ċar li l-għan huwa li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni fil-komunitajiet lokali, għalkemm jista' jitqies li dan jillimita l-mobbiltà fl-UE.

3.9

Il-KESE jilqa' l-miżuri biex tittejjeb il-koordinazzjoni bejn l-istrateġiji nazzjonali dwar il-politiki tal-ażil u r-ritorn, imma jesprimi dispjaċir dwar il-fatt li saru aktar proposti dwar il-koordinazzjoni għal strumenti ta' ritorn milli dwar il-koordinazzjoni għal proċeduri ta' ażil u akkoljenza ta' rifuġjati.

3.10

Il-KESE jilqa' wkoll it-twaqqif ippjanat tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-ażil bħala pass meħtieġ 'il quddiem li jġib konverġenza akbar u implimentazzjoni aħjar tar-regoli komuni dwar l-ażil.

3.11

Il-KESE jqis li l-progress fil-protezzjoni u l-għoti tal-għajnuna lill-gruppi l-aktar vulnerabbli, bħal migranti minorenni, speċjalment meta jivvjaġġaw mingħajr il-familja tagħhom, huwa essenzjali (8). In-Network Ewropew tat-Tutela għandu jkollu rwol aħjar fil-protezzjoni ta' tali individwi, u l-integrazzjoni u l-inklużjoni tagħhom fil-pajjiżi tal-UE għandhom jittejbu billi jiġu offruti assistenza legali, akkomodazzjoni, aċċess għall-edukazzjoni, eċċ.

3.12

Il-KESE jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu pożizzjoni aktar proattiva fl-identifikazzjoni u l-protezzjoni tan-nisa u l-bniet li jsiru vittmi ta' traffikar għal sfruttament sesswali jew forom oħra ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru.

3.13

Il-KESE jinnota d-diffikultajiet li l-pajjiżi tal-UE jiffaċċjaw biex jiżguraw ritorni effettivi, kif ukoll ir-rieda tal-Kummissjoni li tgħaddi għal sistema Ewropea ta' ritorni komuni u effettiva. Il-proposta hija bbażata fuq it-titjib tal-appoġġ operazzjonali għar-ritorni u tissuġġerixxi li jinħatru koordinaturi tar-ritorn nazzjonali. Il-KESE jesprimi dispjaċir dwar il-fatt li l-problemi fl-operat ta' programmi ta' ritorn mhumiex identifikati kif xieraq (9), li jagħmlu din il-pożizzjoni – li hi meqjusa bħala waħda ta' importanza strateġika – dipendenti mir-rieda li jkun hemm kollaborazzjoni ma' pajjiżi li mhumiex fl-UE, kemm ta' oriġini kif ukoll ta' tranżitu.

3.14

Il-KESE jistenna bil-ħerqa li jirċievi l-Istrateġija tal-UE dwar ir-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni, dokument li jittama li se javvanza b'mod sinifikanti miżuri ta' riintegrazzjoni b'saħħithom, u b'hekk jitbiegħed minn approċċ iffukat primarjament fuq l-infurzar tal-liġi. Dan huwa r-riskju li jinħoloq jekk il-Frontex testendi l-mandat tagħha biex tgħin fi proċessi ta' ritorn aktar effettivi, u l-operazzjonijiet tagħha ma jirrelatawx ma' diversi atturi soċjali, ekonomiċi u politiċi li jistgħu joħolqu ambjent aktar komprensiv u uman għar-ritorn.

3.15

Il-KESE jqis li huwa essenzjali li jittejbu l-mekkaniżmi ta’ responsabbiltà għall-azzjonijiet tal-FRONTEX, kif ukoll li jiġu mmonitorjati l-attivitajiet tagħha u jiġi żgurat li dawn jipproteġu u jiżguraw id-drittijiet fundamentali tan-nies.

3.16

Il-KESE jenfasizza l-importanza li tiġi protetta d-data personali rreġistrata fil-Eurodac u li l-ħtieġa tal-miżuri meħuda u l-proporzjonalità tagħhom għandhom jiġu ġġustifikati, minħabba s-sensittività tad-data inkluża, speċjalment meta jkunu kkonċernati l-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali u l-kunfidenzjalità tal-proċedura (10).

b.

Sistema b'saħħitha ta' tħejjija u rispons għall-kriżijiet tal-migrazzjoni

3.17

Il-KESE jilqa' l-progress li sar dwar it-titjib tal-prevenzjoni u l-ġestjoni ta' kriżijiet tal-migrazzjoni u l-miżuri potenzjali li għandhom jiġu adottati biex tiġi żgurata s-solidarjetà bejn l-Istati Membri u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-persuni li x'aktarx se jiġu affettati minn tali kriżijiet. Il-KESE jesprimi dispjaċir, madankollu, dwar il-fatt li dan l-approċċ huwa bbażat fuq il-kunċett ta' “hotspots”, li wrew li huma postijiet fejn jinkisru d-drittijiet tal-persuni li jfittxu protezzjoni internazzjonali fl-UE.

3.18

Il-KESE jifhem il-ħtieġa li jittejbu l-mekkaniżmi għall-indirizzar ta' sitwazzjonijiet ta' kriżi, iżda jiddubita l-valur tat-tfassil mill-ġdid tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja, pereżempju, meta din ma ġietx implimentata kif suppost fi snin reċenti. Kif intqal qabel, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-istituzzjonijiet l-oħrajn tal-UE biex ma jillimitaw bl-ebda mod l-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali u ma jillimitawx il-kontenut tiegħu.

c.

Sistema integrata ta' fruntieri

3.19

Il-ġestjoni tal-fruntieri esterni hija responsabbiltà kondiviża bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha, u l-ħtieġa li jiġu evalwati l-istrumenti ta' implimentazzjoni hija essenzjali. Il-KESE jixtieq jindika li l-użu ta' riżorsi umani jew teknoloġiċi għandu dejjem ikun proporzjonat mar-realtà tas-sitwazzjoni u għandu, mingħajr eċċezzjoni, juri l-kunsiderazzjoni dovuta għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi.

3.20

Il-ksib tal-interoperabbiltà sħiħa tas-sistemi tal-IT huwa pass meħtieġ lejn il-bini ta' politika koerenti u effettiva madwar l-UE kollha. L-interoperabbiltà sħiħa għandha tinkiseb malajr u b'kunsiderazzjoni dovuta għall-protezzjoni tad-data personali u d-drittijiet fundamentali.

3.21

Il-Kumitat jilqa' għalhekk l-inizjattivi ta' salvataġġ fil-baħar li ġenwinament ifittxu li jsalvaw il-ħajjiet, iżda jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-involviment ta' kumpaniji privati li l-azzjonijiet tagħhom mhumiex immonitorjati b'mod strett u lanqas il-konformità tagħhom mal-qafas tad-drittijiet tal-bniedem. Għall-KESE, it-tiftix u s-salvataġġ fil-baħar huma obbligu legali internazzjonali li għandu jiġi ssodisfat mill-Istati, filwaqt li għandhom jiġu pprovduti mekkaniżmi pubbliċi effettivi u adegwati għal dan il-għan.

3.22

B'rabta ma' dan, il-KESE jqis li huma meħtieġa sforzi sostnuti sabiex tiġi evitata l-kriminalizzazzjoni tal-atturi umanitarji li jwettqu l-operazzjonijiet tant bżonnjużi ta' tiftix u salvataġġ.

3.23

Il-KESE jixtieq jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-riskju li d-dgħajjes privati jinbidlu f'ċentri ta' detenzjoni għall-persuni li jfittxu l-ażil fid-dawl tal-passività murija minn xi Stati Membri.

3.24

Il-KESE jilqa' l-isforzi biex tiġi żgurata n-normalizzazzjoni tal-moviment liberu fiż-żona Schengen u jistenna bil-ħerqa li jara aktar dettalji dwar il-mekkaniżmi ta' evalwazzjoni tax-Schengen dalwaqt. Il-KESE jistenna wkoll bil-ħerqa l-Istrateġija ppjanata dwar il-futur ta' Schengen, u jittama li se twassal għal Schengen aktar b'saħħitha u kompleta.

d.

It-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' persuni

3.25

Il-KESE jemmen li l-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' persuni u kontra n-networks tat-traffikar għandha tkompli, u jirrikonoxxi b'mod sħiħ il-ħtieġa li d-Direttiva dwar is-sanzjonijiet għal dawk li jħaddmu lin-nies b'mod illegali ssir aktar effettiva: il-KESE għalhekk jikkunsidra li huwa utli li jiġu stabbiliti mekkaniżmi li jinkoraġġixxu r-rapportar ta' persuni jew intrapriżi li jieħdu vantaġġ mill-vittmi tat-traffikar, mill-vittmi tal-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ persuni u minn persuni mingħajr permess tax-xogħol (11).

3.26

Il-KESE huwa mħasseb li l-ġlieda kontra n-networks jista' jkollha l-effett li jinkisru d-drittijiet ta' vittmi tat-traffikar u ta' dħul klandestin, u huwa mħasseb b'mod partikolari dwar l-involviment ta' pajjiżi li mhumiex fl-UE fejn id-drittijiet fundamentali ta' tali individwi, jew il-kundizzjonijiet ta' għajxien deċenti, ma jiġux irrispettati. Rajna, pereżempju, kif il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin tintuża bħala tentattiv biex tiġi kriminalizzata l-azzjoni umanitarja.

e.

Il-ħidma mal-imsieħba internazzjonali tagħna

3.27

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir l-inizjattivi biex tittejjeb ir-responsabbiltà kondiviża u l-governanza aħjar tal-flussi migratorji ma’ pajjiżi li mhumiex fl-UE. Il-Kumitat, madankollu, huwa mħasseb dwar l-użu ta' mekkaniżmi ta' kooperazzjoni li jistgħu jwasslu għall-esternalizzazzjoni tal-ġestjoni tal-migrazzjoni tal-UE jew jibdlu l-ġestjoni tal-migrazzjoni f’inċentiv negattiv għal dawn il-pajjiżi, kif ukoll dwar it-tentazzjoni li l-għajnuna għall-iżvilupp u l-kooperazzjoni jsiru kundizzjonali fuq l-iżvilupp ta' politiki ta' kontroll tal-migrazzjoni u/jew riammissjoni. Huwa importanti li jiġi mtenni li l-politika dwar il-migrazzjoni, il-politika dwar il-kooperazzjoni u l-għajnuna għall-iżvilupp u l-politika kummerċjali għandhom ikunu differenzjati fl-azzjoni esterna tal-UE, u lkoll mill-perspettiva tar-rispett assolut għad-drittijiet tal-bniedem.

3.28

Bl-istess mod, il-KESE jqis li huwa meħtieġ li tissaħħaħ il-kooperazzjoni ma' dawk il-pajjiżi li jospitaw għadd konsiderevoli ta' rifuġjati, sakemm dan ma jfissirx li jiġu llimitati l-opportunitajiet ta' dawn l-individwi biex jiksbu aċċess għat-territorju Ewropew u sakemm l-UE tieħu interess proattiv fil-kundizzjonijiet tal-għajxien tagħhom inkluża l-protezzjoni tad-drittijiet tagħhom f'pajjiżi ospitanti li mhumiex fl-UE.

3.29

Il-KESE jilqa' kwalunkwe inizjattiva konġunta biex isir progress dwar il-bini ta' soċjetajiet koeżivi f'pajjiżi li mhumiex fl-UE, biex jitnaqqsu l-faqar u l-inugwaljanzi li jeżistu hemmhekk, u biex jiġu promossi d-demokrazija, il-paċi u s-sigurtà, iżda ma jemminx li dawn il-kwistjonijiet għandhom ikunu marbutin mal-kooperazzjoni fuq il-kontroll tal-flussi migratorji mill-pajjiżi involuti. L-għajnuna fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-ġestjoni tal-migrazzjoni ta' pajjiżi li mhumiex fl-UE hija ħaġa pożittiva, iżda ma għandhiex tkun marbuta mar-rwol tagħhom fil-kontroll tal-flussi 'l barra jew ma' ftehimiet ta' riammissjoni.

3.30

Il-KESE jinnota li l-PMA jagħti importanza kbira lill-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi dwar kwistjonijiet ta’ riammissjoni. Madankollu, għandha tqis ukoll ir-riskji ta' ksur tad-drittijiet li l-persuni rimpatrijati jistgħu jkunu soġġetti għalihom, u l-inċentivi li dawn il-pajjiżi jistgħu jitolbu biex jaċċettaw li jikkooperaw mal-UE.

3.31

Il-KESE jilqa' l-iżvilupp ta' perkorsi sikuri u legali biex jiġi aċċessat it-territorju Ewropew, speċjalment permezz tar-risistemazzjoni u ta' programmi sponsorjati mill-komunità. Madankollu, huwa jqis li dawn il-perkorsi jissodisfaw biss il-ħtiġijiet ta' individwi bi profil speċifiku (dawk li jfittxu l-protezzjoni internazzjonali) u ma jipprovdux reazzjonijiet komprensivi, effettivi jew siguri għall-ħtieġa ta' perkorsi regolari ta' immigrazzjoni fl-UE.

f.

L-attirar tal-ħiliet u t-talent lejn l-UE

3.32

Is-sħubijiet tat-talent huma inizjattiva b'valur miżjud li toffri perkors legali u l-KESE jilqa' din l-inizjattiva (12) minkejja l-fatt li se jkollha konsegwenzi negattivi għall-pajjiżi ta’ oriġini, b’mod partikolari f’termini tal-kapaċità tagħhom li jimplimentaw l-iżvilupp sostenibbli. Il-KESE jesprimi dispjaċir dwar il-fatt li l-miżuri biex jittejbu r-rotot ta' dħul legali huma limitati biex jiġi attirat it-talent u biex jiġu riveduti l-Karta Blu u direttivi ta' studju u riċerka peress li l-kamp ta' applikazzjoni tagħhom huwa limitat. Approċċ komprensiv għall-mobilità huwa essenzjali sabiex jiġu offruti alternattivi li jmorru lil hinn mill-kontroll fuq il-fruntieri u r-ritorn.

3.33

Il-KESE jixtieq jipparteċipa fil-konsultazzjonijiet pubbliċi dwar l-attirar tat-talent u l-ħiliet lejn l-UE, iżda jtenni l-ħtieġa ġenerali li jiġu indirizzati s-swieq tax-xogħol lil hinn minn dawn l-oqsma.

3.34

Il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-għajxien ta' bosta ċittadini ta' pajjiżi terzi, speċjalment ta' dawk li jaħdmu fl-agrikoltura. L-Istati Membri u l-korpi speċjalizzati tagħhom għandhom jindirizzaw il-każijiet ta' abbuż u sfruttament u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u t-trade unions għandhom jiġu mħeġġa u stimulati biex jikkomunikaw ma' ċittadini ta' pajjiżi terzi, irrispettivament mil-livell ta' impjieg u paga tagħhom.

g.

L-appoġġ favur l-integrazzjoni għal soċjetajiet aktar inklużivi

3.35

Il-KESE jqis li l-inklużjoni u l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi hija essenzjali biex tiġi żgurata l-koeżjoni soċjali fl-UE u jistenna bil-ħerqa l-analiżi tal-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni għall-2021-2027. Il-KESE huwa ddiżappuntant li din il-kwistjoni, li hija kruċjali għall-koeżistenta fis-soċjetajiet tagħna, ftit li xejn tingħata attenzjoni fil-PMA.

3.36

Ma hemm l-ebda indikazzjoni fil-Komunikazzjoni tal-iskala u l-istruttura tal-appoġġ għall-miżuri tal-integrazzjoni. Il-KESE jistenna li l-Pjan ta' Azzjoni l-ġdid dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni għall-2021-2027 jindirizza dan in-nuqqas fil-PMA. Il-KESE għandu esperjenza estensiva dwar il-kwistjonijiet relatati mal-integrazzjoni u sfortunatament il-forma attwali għandha nuqqas ta' ambizzjoni u ċarezza rigward l-għodod u l-inċentivi offruti lil partijiet ikkonċernati differenti.

Brussell, is-27 ta’ Jannar 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  ĠU C 14, 15.1.2020, p. 24.

(2)  Il-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni għall-2021 jipprevedi l-adozzjoni ta' Komunikazzjoni konġunta dwar it-tisħiħ tal-kontribut tal-UE lejn multilateraliżmu msejjes fuq ir-regoli fit-tieni trimestru tal-2021.

(3)  Il-KESE qiegħed iżur b'mod attiv il-hotspots u jitkellem mal-atturi tas-soċjetà ċivili involuti fid-dimensjonijiet kollha tal-migrazzjoni u l-integrazzjoni.

(4)  Ara COM(2020) 758 final.

(5)  Ara ĠU C 71, 24.2.2016, p. 82.

(6)  Sentenza fil-Kawżi Magħquda Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C-715/17, L-Ungerija C-718/17 u r-Repubblika Ċeka, C-719/17.

(7)  Sfortunatament ma hemm l-ebda salvagwardja kontra sitwazzjonijiet fejn xi gvernijiet jiddeċiedu li jsiru atturi ewlenin tar-ritorn bħala parti minn mobilizzazzjoni populista kontra l-migranti u r-rifuġjati.

(8)  Ara ĠU C 429, 11.12.2020, p. 24.

(9)  Komunikazzjoni COM(2017) 200 final.

(10)  ĠU C 34, 2.2.2017, p. 144.

(11)  Pereżempju, il-leġiżlazzjoni Spanjola tinkludi l-kunċett ta' “rabtiet tax-xogħol”, li bihom – taħt ċerti kundizzjonijiet – jekk ħaddiem barrani impjegat irregolari jirrapporta lill-persuna li tħaddmu b'mod irregolari, dan jikseb dokumentazzjoni legali. Bl-istess mod, il-Portugall għandu proċess ta' regolarizzazzjoni permanenti li jevalwa l-każijiet fuq bażi ta' każ b'każ għal sitwazzjonijiet speċifiċi.

(12)  Ara ĠU C 341, 21.11.2013, p. 50ĠU C 458, 19.12.2014, p. 7.


9.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/22


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Nixprunaw Ekonomija Newtrali għall-Klima: Strateġija tal-UE dwar l-Integrazzjoni tas-Sistema tal-Enerġija”

[COM(2020) 299 final]

(2021/C 123/05)

Relatur:

Lutz RIBBE

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 23.9.2020

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

 

Deċiżjoni tal-Assemblea

14.7.2020

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

16.12.2020

Adottata fil-plenarja

27.1.2021

Sessjoni plenarja Nru

557

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

242/3/10

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jappoġġa l-intenzjoni tal-Kummissjoni deskritta fil-Komunikazzjoni tagħha: L-integrazzjoni tas-sistema tal-elettriku mas-sistema tat-tisħin u t-trasport hija essenzjali sabiex jintlaħaq l-għan tan-newtralità klimatika, l-għan tas-sigurtà tal-provvista, li jinkludi wkoll it-tnaqqis fl-importazzjonijiet tal-enerġija, u li jintlaħaq l-għan li jkun hemm prezzijiet raġonevoli għall-konsumaturi Ewropej u l-ekonomija Ewropea.

1.2

Mingħajr preġudizzju għal dan, il-KESE jiddikjara li fil-komunikazzjoni tagħha l-Kummissjoni tħalli miftuħa xi punti li huma importanti ħafna għas-suċċess tat-tranżizzjoni enerġetika Ewropea.

1.3

Il-Kummissjoni ma tweġibx il-mistoqsija ta' kif tixtieq tikseb sigurtà tal-provvista abbażi ta' sorsi ta' enerġija mingħajr emissjonijiet tal-karbonju jew b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju. Hija ssostni li 84 % tad-domanda elettrika għandha tkun koperta minn sorsi ta' enerġiji rinnovabbli, iżda ma tispeċifikax minn liema sorsi għandu jiġi ġġenerat l-elettriku li jifdal. Fl-isfond tal-importanza fundamentali tas-sigurtà tal-provvista għall-ekonomija u l-konsumaturi Ewropej, dan mhuwiex aċċettabbli, speċjalment peress li wieħed jista' jassumi li d-domanda elettrika se tiżdied minħabba l-elettrifikazzjoni tal-provvista tat-tisħin u s-settur tat-trasport minkejja t-titjib fl-effiċjenza.

1.4

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li n-nuqqas jew l-ipprezzar insuffiċjenti tal-emissjonijiet-tal-karbonju fis-settur tat-tisħin u t-trasport huwa problema serja għall-integrazzjoni tas-sistema. Għalkemm il-problema ġiet deskritta, dan mhuwiex biżżejjed. Huma meħtieġa proposti speċifiċi biex jinstabu soluzzjonijiet. Il-Kummissjoni hija wisq eżitanti u vaga dwar dan il-punt.

1.5

Integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija teħtieġ modernizzazzjoni u titjib f’ċerti oqsma, u f’xi każijiet il-bini ta’ infrastruttura ġdida tal-enerġija. Dan jeħtieġ investimenti kbar, li possibbilment jistgħu jiġu ffaċilitati permezz ta’ qafas finanzjarju Ewropew iddedikat, aċċessibbli għan-negozji fl-Istati Membri kollha. L-investimenti jistgħu jipprovdu stimolu ekonomiku importanti biex tiġi kkontrollata r-reċessjoni kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 u għandhom joħolqu impjiegi tajbin u ġusti. Madankollu, huwa importanti li d-deċiżjonijiet dwar l-investiment jittieħdu b'tali mod li jappoġġaw l-għanijiet tal-politika dwar l-enerġija u l-klima. Minħabba l-ħtiġijiet kbar ta’ kapital, huwa essenzjali wkoll li jsir l-aħjar użu possibbli tal-infrastruttura eżistenti. Għal dan, jeħtieġ li jiġu pprijoritizzati l-għażliet teknoloġiċi li huma disponibbli sabiex is-sistema tiġi integrata b'mod rapidu u effiċjenti. L-effiċjenza enerġetika, b’mod partikolari fil-proċessi industrijali, għandha tingħata prijorità fuq l-approċċi l-oħrajn kollha. Barra minn hekk, din il-prijoritizzazzjoni għandha turi liema teknoloġija hija l-aktar adattata għal liema applikazzjoni li tippermetti l-integrazzjoni tas-sistema. Imbagħad, jistgħu jiġu ppjanati investimenti xierqa fl-infrastruttura abbażi ta' dan. Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni hija vaga wisq dwar dan il-punt.

1.6

Il-komunikazzjoni tagħmel enfasi speċjali fuq l-idroġenu u l-enerġija eolika fuq il-baħar. Dawn huma teknoloġiji importanti, iżda għandhom jintużaw biss b'mod supplimentari – fil-postijiet fejn l-enerġija eolika fuq l-art u l-enerġija solari kif ukoll is-sistemi ta' ħżin għal perjodu ta' żmien qasir bħal batteriji jkunu ostakolati. Dan minħabba li l-enerġija eolika fuq l-art u l-enerġija solari mhumiex biss l-aktar tipi ta' ġenerazzjoni ta' enerġija kosteffikaċi fil-futur prevedibbli. Iżda huma wkoll l-aħjar għażliet biex jintlaħaq l-għan strateġiku importanti tal-Unjoni tal-Enerġija, jiġifieri li tinkiseb deċentralizzazzjoni sabiex jinħolqu impjiegi siguri u tajbin, u b’mod ġenerali jsir l-aħjar użu mill-benefiċċji soċjopolitiċi u ekonomiċi reġjonali tat-tranżizzjoni tal-enerġija, tingħata s-setgħa lill-konsumaturi anke fil-funzjoni tagħhom ta’ prosumaturi u biex dawn ikunu fiċ-ċentru tas-sistema tal-enerġija, jiġi miġġieled il-faqar enerġetiku, tiżdied is-sigurtà tal-provvista filwaqt li jiġi promoss l-iżvilupp reġjonali u tinħoloq aċċettazzjoni għat-tranżizzjoni. B'mod partikolari, l-enerġija eolika fuq l-art u l-fotovoltajċi jippermettu integrazzjoni diretta tas-sistema: pereżempju, billi tintuża l-enerġija solari fuq il-post biex jiġu ċċarġjati vetturi elettriċi jew billi tintuża l-enerġija eolika għall-applikazzjonijiet tal-enerġija għas-sħana. Fil-komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tinjora dan il-potenzjal kbir tal-enerġija eolika fuq l-art u tal-fotovoltajċi, ħaġa li l-KESE jqis bħala nuqqas enormi.

1.7

L-integrazzjoni tas-sistema tista' tagħti spinta lill-ekonomija Ewropea fl-innovazzjoni u b'hekk iżżid il-kompetittività internazzjonali tal-ekonomija Ewropea. Madankollu, din tista' tirnexxi biss jekk b'mod partikolari jiġi sfruttat il-potenzjal tad-diġitalizzazzjoni għall-integrazzjoni tas-sistema: l-intelliġenza artifiċjali u t-tagħlim awtomatiku jistgħu jagħmlu differenza deċiżiva għall-provvista tal-enerġija bbażata fuq id-domanda għas-setturi tal-elettriku, it-tisħin u t-trasport. Madankollu, l-użu tagħhom jeħtieġ li jiġi kkunsidrat bir-reqqa fir-rigward tal-utilità u l-problemi etiċi possibbli tagħhom, speċjalment fir-rigward tas-sovranità tad-data, u għandu jitħejja permezz ta’ inizjattiva biex jitħarrġu professjonisti xierqa. Il-fatt li l-Kummissjoni ma tirrikonoxxix dan fil-komunikazzjoni tagħha huwa inkomprensibbli.

1.8

Fl-aħħar mill-aħħar, l-integrazzjoni tas-sistema teħtieġ swieq tal-enerġija kkonfigurati kompletament mill-ġdid, li għandhom jitfasslu b’tali mod li jippromovu l-enerġija komunitarja u jagħtu s-setgħa lill-konsumaturi. B'hekk biss jistgħu jintlaħqu l-għanijiet rilevanti tad-Direttiva dwar is-Suq Intern tal-Elettriku (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) u d-Direttiva dwar is-Sorsi tal-Enerġija Rinnovabbli (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). L-integrazzjoni tas-sistema titwettaq b'mod aktar malajr jekk il-konsumaturi jkollhom l-opportunità li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom, inkluż bħala prosumaturi, awtoprodutturi u membri ta' komunitajiet ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli. Fl-istess ħin, għandu jitqies ir-rwol tas-settur pubbliku fis-sigurtà tal-provvista. Dawn l-aspetti huma kompletament nieqsa fil-komunikazzjoni.

1.9

Il-KESE jappoġġja l-idea tal-Kummissjoni li tniedi avveniment ewlieni dwar l-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija u jinsab lest li jaqdi rwol attiv f’din l-inizjattiva. F’dan il-kuntest, beħsiebu jindirizza l-kwistjonijiet imqajma f’din l-Opinjoni, li mhumiex enfasizzati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni. B’mod partikolari, għandha tiġi enfasizzata l-importanza tal-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini fl-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni hija partikolarment diżappuntanti f’dan ir-rigward, peress li tqis liċ-ċittadin biss bħala konsumatur li sempliċement m’għandux biżżejjed informazzjoni.

2.   Kummenti ġenerali dwar id-dokument tal- Kummissjoni

2.1

Il-komunikazzjoni saret fl-isfond tal-impenn tal-Kunsill Ewropew li tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050. Minħabba li s-sistema tal-enerġija hija responsabbli għal 75 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, l-aktar pass importanti lejn dan l-għan huwa li tinħoloq sistema tal-enerġija li fil-parti l-kbira tagħha tkun mingħajr emissjonijiet u newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju.

2.2

Għal dan l-għan, l-integrazzjoni jew il-kombinazzjoni tad-diversi setturi tal-enerġija li s'issa kienu interkonnessi biss sa punt limitat ħafna, jiġifieri s-setturi tal-elettriku, tat-trasport u tat-tisħin (inklużi t-tkessiħ kif ukoll is-sħana industrijali tul il-proċess), għandhom rwol deċiżiv – aspettli fil-pakkett dwar l-Enerġija Nadifa ġie indirizzat biss b'mod superfiċjali ħafna, għalkemm hemm applikazzjonijiet li ilhom jimplimentaw l-integrazzjoni tas-sistema għal żmien twil ħafna, pereżempju l-produzzjoni tal-elettriku u s-sħana fl-istess ħin.

2.3

Fid-deskrizzjoni tagħha tal-istatus quo, il-Kummissjoni tenfasizza li s-sistema tal-enerġija s'issa kienet ikkaratterizzata minn diversi ktajjen ta' valur vertikali paralleli.

2.4

Bħala kunċett kontroproduttiv, hawnhekk se jsir paragun tal-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija. Għall-Kummissjoni, dan ifisser l-ippjanar u l-operat ikkoordinati tas-sistema tal-enerġija bħala “sħaħ”, filwaqt li s-sorsi tal-enerġija, l-infrastrutturi u s-setturi tal-konsum tagħhom għandhom ikunu konnessi aħjar ma' xulxin. Il-Komunikazzjoni telenka d-diversi vantaġġi ta' tali integrazzjoni tas-sistema: il-kontribut għall-ilħuq tal-għanijiet klimatiċi, użu aktar effiċjenti tar-riżorsi tal-enerġija, flessibilità addizzjonali fis-sistema tal-enerġija nnifisha, u fl-aħħar nett pożizzjoni mtejba tal-konsumaturi, reżiljenza mtejba u sigurtà akbar tal-provvista, għalkemm għadu mhux ċar jekk is-sigurtà tal-provvista hijiex relatata mal-livell tal-UE jew dak tal-Istati Membri. Madankollu, dan l-aspett huwa importanti peress li xi drabi l-Istati Membri jsegwu strateġiji differenti ħafna f’dan il-qasam u għandhom kundizzjonijiet differenti ferm fir-rigward tas-sorsi ġeneriċi tal-enerġija.

2.5

Biex dan jinkiseb, fil-komunikazzjoni l-Kummissjoni tistabbilixxi pjan ibbażat fuq sitt pilastri:

1.

“sistema ta' enerġija ċirkolari” b'enfasi ċara fuq l-effiċjenza enerġetika (miżuri li jinkludu: implimentazzjoni tal-approċċ “L-Effiċjenza Enerġetika tiġi l-Ewwel”; reviżjoni tal-fatturi tal-enerġija primarja; il-promozzjoni tal-approċċi ta' “skart għall-enerġija”);

2.

iż-żieda fl-elettrifikazzjoni tas-setturi finali (miżuri li jinkludu: l-espansjoni tal-enerġija eolika lil hinn mill-kosta; kunsiderazzjoni obbligatorja ta' enerġiji rinnovabbli fl-akkwist pubbliku; promozzjoni tal-elettrifikazzjoni għas-sistemi tat-tisħin tal-bini, espansjoni tal-istazzjonijiet ta' ċċarġjar għal vetturi elettriċi; reviżjoni tad-direttiva dwar l-enerġiji rinnovabbli; standards ġodda għall-emissjonijiet tal-karbonju fir-rigward tal-karozzi tal-passiġġieri u l-vetturi kummerċjali ħfief; reviżjoni tad-direttiva dwar l-iżvilupp ta' infrastruttura għal karburanti alternattivi);

3.

l-użu tal-bijokarburanti f’ċerti oqsma (miżuri li jinkludu: sistema ta’ ċertifikazzjoni Ewropea għal fjuwils rinnovabbli, b’livell baxx ta’ CO2 u sostenibbli; possibbilment miżuri addizzjonali bħal ishma minimi jew kwoti f’setturi speċifiċi ta’ użu aħħari; żieda fil-qbid tal-karbonju għall-użu tiegħu fil-produzzjoni ta’ fjuwils sintetiċi);

4.

adattament tas-swieq tal-enerġija fir-rigward tad-dekarbonizzazzjoni u d-deċentralizzazzjoni (miżuri li jinkludu: komponenti konsistenti tal-prezz mhux tal-enerġija għad-diversi trasportaturi tal-enerġija; l-armonizzazzjoni tat-taxxi fuq l-enerġija; l-espansjoni possibbli tas-sistema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet; it-tneħħija tas-sussidji diretti fuq il-fjuwils fossili; l-adattament tal-qafas regolatorju għas-suq tal-gass; kampanja ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet tal-konsumatur; u informazzjoni mtejba għall-konsumatur);

5.

infrastruttura tal-enerġija integrata (miżuri li jinkludu: regolazzjoni ġdida tan-networks trans-Ewropej; investiment akbar f'networks intelliġenti ta' tisħin u tkessiħ distrettwali);

6.

id-diġitalizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija u qafas ta' finanzjament għall-innovazzjonijiet (miżuri li jinkludu: kodiċi tan-network għaċ-ċibersigurtà; atti ta' implimentazzjoni dwar ir-rekwiżiti tal-interoperabbiltà).

3.   Kummenti ġenerali tal-KESE

3.1

L-analiżi tal-problemi tal-istatus quo hija xierqa ħafna u l-approċċ fundamentali tal-Kummissjoni jintlaqa' b'mod assolut: l-aċċellerazzjoni tal-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija hija meħtieġa b'mod urġenti, speċjalment fl-isfond tal-aċċelerazzjoni meħtieġa tad-dekarbonizzazzjoni tas-setturi tat-trasport u tat-tisħin/tkessiħ fl-Ewropa. L-integrazzjoni tas-sistema mhijiex importanti biss biex tinkiseb in-newtralità klimatika, iżda hija importanti wkoll għal sigurtà stabbli tal-provvista u prezzijiet raġonevoli għall-konsumaturi privati u l-ekonomija. Għaldaqstant, il-KESE jappoġġa bil-qawwa lill-Kummissjoni fil-pjan tagħha li tippromovi l-integrazzjoni tas-settur tal-elettriku, tat-tisħin u tat-trasport. Madankollu, wieħed għandu joqgħod attent li dan ma jintużax bħala raġuni għal aktar liberalizzazzjoni tas-servizzi ta’ interess ġenerali qabel ma jiġu evalwati l-effetti tal-inizjattiva ta’ liberalizzazzjoni preċedenti. Il-KESE jħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni biex tinkoraġġixxi lill-pajjiżi ġirien tal-Unjoni Ewropea, speċjalment lill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, sabiex isegwu dan il-pjan u jagħmluh il-politika tagħhom stess. F'dan ir-rigward għandu jiġi eżaminat jekk taxxa fuq il-karbonju fil-fruntieri hijiex utli.

3.2

Is-sitt kunċetti msemmija fil-punt 2.5 huma approċċi korretti u bi skop. Il-parti l-kbira mill-miżuri individwali huma konvinċenti, anke jekk xorta jibqa' lok għal dubju sa liema punt dawn jikkontribwixxu b'mod effettiv għall-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija.

3.3

Min-naħa l-oħra, oġġezzjoni kritika hija li l-għanijiet politiċi tal-istrateġija, il-konsistenza u l-istruttura loġika tagħha ma jmorrux 'il bogħod biżżejjed. Barra minn hekk, ir-rwol li għandhom jew li għandu jkollhom iċ-ċittadini/il-konsumaturi huwa xi ftit jew wisq injorat. Aktar irritanti minn dan huwa l-fatt li fil-pakkett dwar l-Enerġija Nadifa, il-Kummissjoni wiegħdet li tpoġġi liċ-ċittadini fiċ-ċentru tat-tranżizzjoni enerġetika.

3.4

Il-Kummissjoni tonqos milli tiddefinixxi sottomiri ċari, ambizzjużi u speċifiċi li jistgħu jiġu derivati mill-għan ġenerali li tinkiseb newtralità klimatika. Dan japplika b'mod partikolari għall-espansjoni tal-enerġiji rinnovabbli, li għadha lura mill-miri f'ħafna Stati Membri.

3.4.1

Ta' min jgħid li l-Kummissjoni hija (awto-)kritika ħafna f'dak li jirrigwarda l-possibbiltajiet li dan jitwettaq fir-realtà. Hija ssostni li “Mingħajr azzjoni politika soda, is-sistema tal-enerġija tal-2030 se tkun tixbah aktar lil dik tal-2020, minflok ma tindika dak li hemm bżonn biex tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050. […] Il-passi li se nieħdu fil-ħames sa għaxar snin li ġejjin huma kruċjali biex nibnu sistema tal-enerġija li tixpruna lill-Ewropa lejn in-newtralità klimatika sal-2050.”

3.4.2

Iżda l-Kummissjoni stess hija nieqsa mill-kuraġġ politiku, kif turi l-komunikazzjoni. Dan jirriżulta mill-fatt li, id-dikjarazzjoni li fl-isfond taż-żieda sinifikanti prevedibbli fis-sehem tal-elettriku fil-konsum finali tal-enerġija, sehem ta' bejn 55 u 60 % ta' enerġiji rinnovabbli fit-taħlita tal-elettriku sal-2030 u sehem ta' 84 % sal-2050 għandhom ikunu biżżejjed, tħalli ħafna mistoqsijiet mingħajr tweġiba. L-iktar mistoqsija importanti hija: Kif għandha tinkiseb sigurtà stabbli tal-provvista? Il-bijogass, il-bijokarburanti, inklużi dawk prodotti sintetikament bħall-idroġenu, u, f’ċerti ċirkostanzi, l-idroenerġija jistgħu jintużaw biex ipattu għall-varjazzjonijiet fl-enerġija eolika u dik solari. Hemm ukoll żewġ għażliet teknoloġiċi li jistgħu jkopru s-16 % nieqsa u li jistgħu jiġu deskritti bħala teknoloġiji mingħajr emissjonijiet ta’ CO2 jew b'livell baxx ta' emissjonijiet ta’ CO2: l-enerġija nukleari u l-impjanti tal-enerġija tal-gass jew tal-faħam bil-qbid u ħżin tas-CO2 (CCS – qbid u ħżin tad-diossidu tal-karbonju). Madankollu, dawn iġibu magħhom sfidi ekonomiċi, ekoloġiċi u soċjali kbar. Għalkemm huwa f’idejn l-Istati Membri li jiddeterminaw it-taħlita eżatta tal-ġenerazzjoni tal-enerġija, huwa inkomprensibbli li l-Kummissjoni ma tispjegax kif biħsiebha tikseb sigurtà tal-provvista mingħajr CO2.

3.5

In-nuqqas ta' kuraġġ huwa evidenti wkoll f'punti oħra. Kif tissuġġerixxi b'mod xieraq il-Kummissjoni, raġuni ewlenija għaliex l-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija miexja daqshekk bil-mod hija n-nuqqas ta' pprezzar tal-karbonju għall-fjuwils fossili li jintużaw fit-trasport u, fuq kollox, fit-tisħin. Barra minn hekk, f'ħafna Stati Membri jeżistu tariffi għoljin għall-elettriku, anke jekk dan jinkiseb minn sorsi rinnovabbli. F'għadd ta' Stati Membri, huwa ċar li l-ħlasijiet eċċessivi tan-network jippreżentaw ukoll problema. Din id-distorsjoni tas-suq għandha l-konsegwenza, pereżempju, li f'ħafna kostellazzjonijiet l-użu tal-elettriku żejjed għall-ġenerazzjoni tas-sħana (enerġija għas-sħana), li wieħed jista' jgħid li hija l-aktar forma sempliċi tal-integrazzjoni tas-sistema, mhuwiex ekonomikament fattibbli.

3.6

L-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija tista' timxi verament 'il quddiem biss jekk tiġi solvuta l-problema tad-distorsjoni tas-suq. It-tħabbira li se ssir “aktar ħidma għat-tneħħija gradwali tas-sussidji diretti fuq il-fjuwils fossili” u li se titressaq “proposta possibbli għall-estensjoni tal-ETS għal setturi ġodda” hija vojta u insuffiċjenti. Dawn huma espressjonijiet vojta li s-soċjetà ilha tisma' mingħand il-Kummissjoni għal snin twal, mingħajr ebda tibdil sostanzjali. Il-promozzjoni teknoloġika, li l-Kummissjoni tiddeskrivi primarjament fl-ewwel tliet pilastri tal-istrateġija tagħha (ara l-punti 3.1 sa 3.3 tal-Komunikazzjoni), titlef ammont sinifikanti mill-effettività tagħha jekk il-Kummissjoni ma tagħmilx dak kollu li tista' biex telimina d-distorsjonijiet tas-suq deskritti.

3.7

Hija ħaġa pożittiva li l-Kummissjoni qed tipproponi sekwenza għall-kompiti teknoloġiċi. Madankollu, f'dan il-kuntest, il-Kummissjoni kellha tiddikjara b'mod ċar li, f'termini ta' effiċjenza, il-kombustjoni tal-karburanti qatt ma tista' tikkompeti mal-użu enerġetiku dirett tal-fotovoltajċi jew tal-elettriku ġġenerat mir-riħ, sakemm ma sseħħx f'impjanti ta' sħana u enerġija kkombinati, li fihom is-sħana tintuża direttament fuq il-post. Dan l-aspett huwa importanti ħafna għad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport, li f'ċerti oqsma ma jistax jinkiseb permezz tal-elettrifikazzjoni. Il-Kummissjoni tiddeskrivi dan b'mod superfiċjali f'ċerti punti fil-Komunikazzjoni billi tagħti xi eżempji. Madankollu, din ma tqisx il-livell ta' effiċjenza bħala kriterju ta' gwida għall-evalwazzjoni ta' għażliet teknoloġiċi differenti, li jkunu indispensabbli għal integrazzjoni sinifikanti tas-sistema tal-enerġija f'termini tal-enerġija u tal-ekonomija.

3.8

Il-Kummissjoni tonqos ukoll milli tirrikonoxxi l-importanza fundamentali tal-infrastruttura. Disinn ekonomikament effiċjenti tal-integrazzjoni tas-sistema jista' jinkiseb biss jekk l-infrastruttura tal-enerġija eżistenti titqies bħala bażi importanti għall-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-integrazzjoni tas-sistema jew jekk jiġu rikonoxxuti l-implikazzjonijiet infrastrutturali ta' diversi għażliet teknoloġiċi. Jekk dan jitwettaq, wieħed jara li:

a)

Il-fotovoltajċi (speċjalment is-sistemi installati fis-saqaf) huma partikolarment adattati għall-iċċarġjar ta' vetturi elettriċi, minħabba li s-sistemi fotovoltajċi normalment jissupplixxu l-elettriku f'livell ta' vultaġġ baxx u l-vetturi elettriċi jiġu ċċarġjati f'dan il-livell.

b)

Għal applikazzjonijiet tal-enerġija għas-sħana, pereżempju permezz ta' pompi tas-sħana jew akkumulatur tas-sħana, il-parks eoliċi jew parks solari akbar huma ideali jekk is-sħana trid tiġi pprovduta permezz ta' network ta' tisħin distrettwali jew lokali. Dan minħabba li għalhekk huma meħtieġa ammonti akbar ta' elettriku biex jitħaddmu l-pompi jew l-akkumulaturi tas-sħana.

c)

Is-sistemi tal-ħżin tal-gass huma partikolarment adattati għal ħażna fit-tul ta' elettriku żejjed bħala idroġenu.

3.9

L-ebda waħda mit-teknoloġiji Power-to-x imsemmija qabel ma tirrikjedi neċessarjament infrastruttura kompletament ġdida. Pjuttost, dan jittratta l-użu tat-teknoloġiji eżistenti b'mod intelliġenti u fejn ikun meħtieġ, li jiġu mmodernizzati u mtejba (3). F'ħafna Stati Membri, l-infrastruttura ġiet affettwata minn politiki ta' awsterità. Fir-rigward tal-immodernizzar u l-espansjoni tal-infrastruttura, l-effiċjenza fl-infiq hija aspett importanti, iżda għandu jitqies ukoll il-ħolqien ta' impjiegi tajbin. F'dan l-isfond, il-Kummissjoni għandha tqis li tagħmel il-promozzjoni tal-applikazzjonijiet Power-to-x dipendenti mill-użu tal-infrastruttura eżistenti, tal-anqas fi żmien qasir sa medju, sabiex l-ewwel jiġi sfruttat il-potenzjal li jkun jirrikjedi l-anqas sforz. F'dan l-isfond, l-enfasi li xxaqleb biss lejn l-enerġija lil hinn mill-kosta fil-komunikazzjoni hija dibattibbli.

3.10

Filwaqt li l-komunikazzjoni ssemmi d-diġitalizzazzjoni, ma tiddeskrivix il-potenzjal reali tagħha. In-networks intelliġenti li jibagħtu sinjali speċifiċi lill-parteċipanti fis-suq u b'hekk jagħmlu s-swieq intelliġenti huma essenzjali għal provvista ta' enerġija effiċjenti u sigura. Sakemm l-informazzjoni korretta tkun disponibbli għall-parteċipanti fis-suq permezz ta' applikazzjonijiet diġitali, il-vetturi elettriċi, speċjalment bħala “vettura għall-grilja”, il-pompi tas-sħana jew is-sistemi tal-ħżin tal-idroġenu, jistgħu jipprovdu servizzi tas-sistema importanti u jtaffu l-piż minn fuq in-network. L-intelliġenza artifiċjali, it-“tagħlim awtomatiku” u l-awtomatizzazzjoni tal-proċessi tal-konsum tal-enerġija se jtejbu t-trasferiment tat-tagħbija għal livell ġdid u se jgħinu biex dawn jiġu integrati f'impjanti tal-enerġija virtwali, kemm fil-livell tad-djar privati kif ukoll tal-industrija.

3.11

Fl-aħħar nett, il-Komunikazzjoni tinjora bosta aspetti li kienu importanti għall-Kummissjoni f'komunikazzjonijiet preċedenti, pereżempju l-qafas strateġiku tal-Unjoni tal-Enerġija jew dawk li huma diġà fis-seħħ fid-dritt tal-Unjoni bħala parti mill-pakkett dwar l-Enerġija Nadifa: dan jikkonċerna l-konsumatur attiv skont id-Direttiva (UE) 2019/944 dwar is-Suq Intern tal-Elettriku, li għandu jkollu aċċess għas-swieq rilevanti kollha tal-elettriku. Din l-idea ma għandhiex rwol fil-komunikazzjoni, l-istess bħall-attivitajiet ta' awtoprodutturi jew komunitajiet tal-enerġija taċ-ċittadini kif ikkodifikati fid-Direttiva (UE) 2018/2001 dwar is-Sorsi tal-Enerġija Rinnovabbli. Id-dikjarazzjoni: “Iċ-ċittadini għandhom rwol ċentrali fl-integrazzjoni tas-sistemi. Għaldaqstant dawn għandhom jikkontribwixxu biex tissawwar l-implimentazzjoni ta' din l-istrateġija” hija trivjali, jekk l-unika miżura konkreta hija kampanja ta' informazzjoni.

3.12

Il-KESE diġà rrimarka f'diversi okkażjonijiet li f'ħafna Stati Membri hemm ostakoli kbar li jagħmluha impossibbli għaċ-ċittadini biex jipparteċipaw. Aktar inkomprensibbli minn dan huwa l-fatt li l-komunikazzjoni tinjora din il-problema. Miri oħra li ġew enfasizzati f'punti simili u li ġew injorati fil-Komunikazzjoni huma: it-tnaqqis tad-dipendenza mill-importazzjonijiet tal-enerġija, it-tisħiħ taċ-ċikli ekonomiċi reġjonali, il-ħolqien ta' impjiegi ġusti u tajbin, eċċ. Dawn huma kriterji li għandhom jitqiesu meta titfassal l-integrazzjoni tal-enerġija u li jagħmlu ċerti għażliet teknoloġiċi jidhru aktar vantaġġjużi fuq oħrajn. Il-Kummissjoni għandha taħdem ukoll biex tiżgura li pajjiżi terzi jqisu wkoll dawn l-aspetti fil-politika tagħhom dwar l-enerġija. F'dan il-kuntest ukoll, it-taxxi fil-fruntieri jistgħu jkunu għażla strateġika.

3.13

Jeżistu bosta opportunitajiet biex iċ-ċittadini jsiru “atturi” fl-akkoppjament tas-settur, u b'hekk jistgħu jsiru attivi huma stess u jibbenefikaw minn dan. Eżempju wieħed huwa: taħt kundizzjonijiet medji, l-aktar parks eoliċi reċenti jipprovdu biżżejjed elettriku biex ikopru l-ħtiġijiet ta' madwar 7,000 vettura elettrika. Bi spejjeż ta' investiment ta' anqas minn EUR 10 miljun, jagħmel ħafna sens li t-“turbini tar-riħ tal-komunità jiġu promossi bħala stazzjonijiet ta' ċċarġjar reġjonali”. Iżda tali approċċi, li jżidu l-aċċettazzjoni b'mod sinifikanti, anke għaliex inaqqsu bil-bosta l-ispejjeż għaċ-ċittadini u jkollhom effett pożittiv fuq l-ekonomija reġjonali, lanqas biss ġew inklużi parzjalment fil-Komunikazzjoni ppreżentata.

3.14

Sabiex in-nies jibbenefikaw mill-integrazzjoni tas-sistema, id-drittijiet tal-konsumaturi għandhom jissaħħu. Dawn għandhom ikunu relatati kemm mal-prosum kif ukoll mar-rwol klassiku bħala konsumatur. Fil-komunikazzjoni, iċ-ċittadini jinftiehmu biss bħala klijenti jew konsumaturi, li għandhom jingħataw biss informazzjoni aktar ikkwalifikata. Dan huwa aktar minn diżappuntanti għall-KESE, fid-dawl ukoll tal-wegħdiet tal-“Unjoni tal-Enerġija Ewropea”.

3.15

F'termini astratti, il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-ħtieġa li tittieħed azzjoni dwar id-drittijiet tal-konsumaturi fis-settur tal-gass u tat-tisħin distrettwali, iżda l-unika miżura ewlenija mħabbra hija t-tisħiħ tal-klijenti tal-gass fl-ambitu ta' qafas legali ġdid għas-settur tal-gass għall-2021. Ma hemm l-ebda miżura konkreta għat-tisħin lokali u distrettwali, għalkemm huwa preċiżament f'dan il-qasam li d-drittijiet tal-konsumaturi huma ddefiniti b'mod ferm agħar milli fis-setturi tal-elettriku u tal-gass. Madankollu, fil-kuntest tal-preservazzjoni tal-integrazzjoni tas-sistema eżistenti, jistgħu jiġu previsti passi ulterjuri ta’ liberalizzazzjoni fis-settur tat-tisħin.

3.16

F'dan il-kuntest, il-KESE jfakkar il-pożizzjoni tiegħu li soċjetà tal-enerġija fuq 2 livelli għandha tiġi evitata akkost ta' kollox (4). Mhuwiex aċċettabbli li familji mgħammra tajjeb finanzjarjament u teknikament biss jibbenefikaw mit-tranżizzjoni enerġetika u li l-familji l-oħra kollha jkollhom iġarrbu l-ispejjeż. Pjuttost, huma meħtieġa miżuri konkreti għall-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll Ewropew. Dawn jinkludu aċċess aħjar għal sussidji għal rinnovazzjonijiet termali jew is-sostituzzjoni ta' sistemi ta' tisħin għal djar b'użu baxx tal-enerġija, mudelli bażiċi vinkolanti tal-provvista u dispożizzjonijiet ġenerali għall-protezzjoni tal-konsumaturi fis-settur tal-enerġija, pereżempju kontra tariffi eċċessivi tan-network tal-elettriku u l-abbuż ta' monopolji.

4.   Kummenti speċifiċi

Dwar sistema tal-enerġija ċirkolari

4.1

Il-KESE diġà ppreżenta l-kunċett ta' sistema ta' enerġija ċirkolari fl-opinjoni fuq inizjattiva proprja TEN/660 u jixtieq li l-Kummissjoni tadotta dan il-kunċett.

4.2

Madankollu, it-terminu ma għandux jirreferi biss għall-iffrankar tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika, kif sar fil-komunikazzjoni, iżda wkoll għall-flussi tal-enerġija b'mod ġenerali. Dan huwa partikolarment importanti għall-integrazzjoni rapida tas-sistema tal-enerġija fuq il-post, jiġifieri fil-punt tal-konsum aħħari.

4.3

Il-KESE jilqa' t-tħabbira tal-Kummissjoni li se teżamina l-fatturi tal-enerġija primarja. Peress li diġà huwa evidenti li l-prattika attwali f'ħafna Stati Membri tpoġġi l-applikazzjonijiet tal-enerġija għas-sħana u l-bijokarburanti f'pożizzjoni agħar. Għandha tingħata kunsiderazzjoni wkoll biex il-fatturi tal-enerġija primarja jiġu allinjati b'mod ċar mal-emissjonijiet tal-karbonju li jirriżultaw.

4.4

L-implimentazzjoni tal-prinċipju “L-Effiċjenza Enerġetika tiġi l-Ewwel”, li jissemma bħala miżura ewlenija fil-punt 3.1 tal-komunikazzjoni, jista' jissuġġerixxi li għandhom jintużaw prezzijiet ogħla tal-enerġija. Madankollu, jekk isir dan, trid tingħata attenzjoni lill-konsumaturi vulnerabbli tal-enerġija u għandu jiġi evitat li jiżdied il-faqar enerġetiku. Il-Kumitat talab b'mod ripetut biex jitfasslu strateġiji f'dan ir-rigward u ressaq ukoll proposti speċifiċi (ara, pereżempju, SC/53). Dan l-aspett huwa partikolarment, iżda mhux esklussivament, importanti għal għadd kbir ta' ċittadini fl-Ewropa tal-Lvant u għar-reġjuni fi tranżizzjoni. Sabiex jintlaħqu l-miri ta' effiċjenza għolja, huma meħtieġa approċċi reġjonalment differenzjati.

Dwar elettrifikazzjoni aktar mgħaġġla tad-domanda għall-enerġija

4.5

L-approċċ tal-Kummissjoni huwa korrett: l-elettrifikazzjoni tas-settur tat-tisħin u l-mobbiltà hija l-aħjar approċċ għall-integrazzjoni tas-sistema. Sabiex dan ikun konformi mal-għan li tinkiseb newtralità klimatika, hija meħtieġa espansjoni rapida, iżda bbażata fuq il-ħtiġijiet u orjentata lejn id-domanda għal enerġiji rinnovabbli.

4.6

Kien ikun aħjar li kieku l-Kummissjoni għamlitha aktar ċara xi jfisser dan f'termini konkreti għar-reviżjoni msemmija hawn fuq tad-Direttiva (UE) 2018/2001 dwar is-Sorsi ta' Enerġija Rinnovabbli. Il-KESE jemmen li l-miri ta' espansjoni deskritti huma baxxi wisq.

4.7

Il-punt 3.2 tal-komunikazzjoni jagħmel enfasi ċara fuq ir-riħ li jiġi prodott lil hinn mill-kosta. Ma ssir l-ebda referenza għall-fotovoltajċi u għar-riħ li jiġi prodott fuq l-art. Dan huwa inkomprensibbli. Minħabba li f'dan ir-rigward, kif stabbilit fit-taqsima 3.7 ta' din l-Opinjoni, il-potenzjal għall-integrazzjoni tas-sistema jista' jiġi sfruttat malajr u b'mod effiċjenti, filwaqt li r-riħ lil hinn mill-kosta għall-ġenerazzjoni tal-idroġenu jeħtieġ investimenti kbar fl-infrastruttura tal-enerġija. Għaldaqstant, qed jiġi ssuġġerit lill-Kummissjoni biex issegwi l-prinċipju ta' “l-aktar affarijiet importanti jiġu l-ewwel” meta tipprijoritizza l-miżuri tagħha.

Dwar ir-rwol tal-idroġenu

4.8

Huwa minnu li l-idroġenu se jkun element indispensabbli f'taħlita ta' enerġija newtrali għall-klima. L-idroġenu, b’mod partikolari, se jkun indispensabbli fi tliet oqsma meta l-elettrifikazzjoni diretta tilħaq il-limiti tagħha:

bħala ħażna fit-tul għall-elettriku biex jingħelbu l-“kriżijiet aktar profondi” bħala perjodi ta' żmien mingħajr biżżejjed radjazzjoni u provvista tar-riħ;

bħala fjuwil għall-avjazzjoni, it-trasport fuq l-ilma, u fi ftit każijiet speċifiċi wkoll it-trasport ta’ merkanzija tqila bit-triq, kif ukoll fi ftit sezzjonijiet speċifiċi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri;

għal ċerti proċessi industrijali.

4.9

Madankollu, il-produzzjoni tal-idroġenu hija għalja u tinvolvi telf kbir ta' enerġija. Għaldaqstant, il-komunikazzjoni għandha tiċċara li l-idroġenu jista' jkun għażla biss jekk it-tisħin dirett jew l-elettrifikazzjoni ma jkunux teknikament possibbli (jew biss bi spejjeż ogħla b'mod sinifikanti).

Dwar id-disinn tas-suq u l-ftuħ tas-swieq

4.10

F'bosta każijiet, l-enfasi stretta fuq suq ċentrali bl-ingrossa, li jista' jiġi osservat f'ħafna Stati Membri, tipprevjeni l-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija. Pereżempju, jista' jkun teknikament (f'termini ta' tnaqqis tat-tagħbija fuq il-grilja tal-enerġija) u ekonomikament (f'termini ta' effiċjenza fl-infiq) ħafna aktar sensibbli li l-elettriku żejjed iġġenerat lokalment jintuża għal applikazzjonijiet ta' mobbiltà jew ta' enerġija għas-sħana, li jikkawżaw ukoll domanda lokali għall-elettriku. Din l-integrazzjoni diretta ta’ setturi differenti tal-enerġija fl-istess post, possibbilment bl-involviment ta’ servizzi pubbliċi u muniċipali stabbiliti, man-networks sostenibbli tagħhom, ħafna drabi ssir impossibbli minn swieq ċentralizzati bl-ingrossa.

4.11

Il-fatt li l-Kummissjoni ma tirrikonoxxix li l-enfasi stretta fuq ftit swieq tal-elettriku ċentrali bl-ingrossa tipprevjeni l-integrazzjoni tas-sistema hija iktar sorprendenti peress li forom oħra ta' kummerċ diġà huma msemmija u rikonoxxuti fit-testi leġislattivi attwali: Pereżempju, id-Direttiva (UE) 2019/944 dwar is-Suq Intern tal-Elettriku tneħħi b'mod espliċitu d-dritt għal kummerċ “bejn il-pari” tal-konsumaturi attivi u l-użu komuni tal-enerġija fil-komunitajiet tal-enerġija taċ-ċittadini. It-tnejn huma forom li jippermettu liċ-ċittadini, iżda wkoll lill-SMEs u lill-muniċipalitajiet, biex imexxu 'l quddiem l-integrazzjoni tas-sistema b'mod effettiv ħafna fuq il-post. Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni għalhekk hija diżappuntanti f'dan ir-rigward. Dan minħabba li fl-ebda punt ma huwa spjegat kif is-suq għandu jkun iddisinjat sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jaqdu dan ir-rwol.

Dwar infrastruttura tal-enerġija integrata

4.12

L-impenn għall-ippjanar komprensiv tal-infrastruttura huwa milqugħ, peress li jistgħu jkunu mistennija ħtiġijiet sinifikanti ta’ investiment, li jistgħu jiġu indirizzati permezz ta’ qafas ta’ finanzjament pan-Ewropew. Hawnhekk, madankollu, huwa importanti li tkun inkluża l-infrastruttura eżistenti, l-ottimizzazzjoni u l-espansjoni tagħha fir-rigward tal-għażliet għall-ġenerazzjoni tal-enerġija u l-istrutturi tal-konsum, inkluża l-flessibilità tal-konsum, u li jitqiesu l-interazzjonijiet bejn l-istrutturi u l-infrastrutturi tas-suq jew tal-kummerċ. Il-Kummissjoni tonqos milli tagħmel din it-talba.

4.13

F'dan ir-rigward, din tonqos milli tirrikonoxxi li l-infrastruttura tiddetta liema teknoloġiji għandhom preferibbilment jintużaw – jiġifieri dawk li, f'ċirkostanzi identiċi b'mod ieħor (ceteris paribus), jużaw l-infrastruttura eżistenti bl-aħjar mod.

Brussell, is-27 ta’ Jannar 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  ĠU L 158, 14.6.2019, p. 125.

(2)  ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82.

(3)  Eżempju wieħed biss: anke jekk il-gass fossili se jkollu rwol dejjem aktar limitat, in-networks eżistenti tal-gass jistgħu jintużaw jew jiġu kondiviżi għall-“gass ekoloġiku” jew għall-idroġenu.

(4)  Ara ĠU C 429, 11.12.2020, p. 85.


9.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/30


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija għall-idroġenu għal Ewropa newtrali għall-klima”

(COM(2020) 301 final)

(2021/C 123/06)

Relatur:

Pierre-Jean COULON

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 23.9.2020

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

14.7.2020

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

16.12.2020

Adottata fil-plenarja

27.1.2021

Sessjoni plenarja Nru

557

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

229/4/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jqis li l-Unjoni Ewropea għandha tegħleb il-kriżi tal-COVID-19 billi tibni mudell ġdid tas-soċjetà li jagħmel l-ekonomiji tagħna aktar ekoloġiċi, aktar ġusti u aktar reżistenti għax-xokkijiet futuri. Il-fondi Ewropej għall-irkupru għandhom jippermettu lill-intrapriżi, lill-innovaturi, lill-ħaddiema u lill-investituri jsostnu r-rwol ewlieni tagħhom fil-livell globali fis-swieq dejjem jikbru tal-enerġija nadifa.

1.2.

Il-KESE għalhekk jappoġġja l-istrateġija tal-Kummissjoni Ewropea biex jinħoloq ambjent li jwassal għal żieda fil-provvista u d-domanda għall-idroġenu għal ekonomija newtrali għall-klima. Jenfasizza li l-idroġenu nadif għandu jingħata prijorità, inkluż fil-qafas tal-Alleanza Ewropea għall-Idroġenu Nadif, bħala l-unika għażla kompatibbli mal-għanijiet tan-newtralità klimatika.

1.3.

Il-KESE jenfasizza li l-ħolqien ta’ ekonomija tal-idroġenu nadif fl-Ewropa huwa biss parti waħda mill-istrateġija bil-għan li jiġu konnessi aħjar is-setturi differenti tal-enerġija tal-UE. Il-KESE għalhekk jenfasizza li l-UE għandha żżid l-ambizzjonijiet tagħha biex tkun tista’ tinħoloq sistema tal-enerġija nadifa, bħall-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-enerġija, sabiex toffri lill-intrapriżi Ewropej suq intern robust, fejn l-innovazzjoni tista’ tintuża b’mod sikur, u strateġija industrijali integrata, bil-għan li tesporta soluzzjonijiet tal-enerġija nadifa fil-bqija tad-dinja.

1.4.

Il-KESE jfakkar li minħabba l-ispiża għolja tiegħu biex jiġi prodott u trasportat, l-idroġenu nadif għandu jintuża biss f’każijiet fejn mhumiex possibbli għażliet oħra eżistenti ta’ dekarbonizzazzjoni, bħal fis-setturi fejn huwa diffiċli li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju (1) jew f’ċerti applikazzjonijiet speċifiċi ħafna fis-setturi tat-trasport u tal-kostruzzjoni.

1.5.

Il-KESE jenfasizza li sabiex l-idroġenu nadif ikun jista’ jiffjorixxi, il-fondi Ewropej ma għandhomx jissussidjaw il-fjuwils fossili u jistieden lill-Kummissjoni tapplika l-prinċipju “La tagħmilx ħsara” għall-finanzjament pubbliku kollu taħt il-QFP+, InvestEU, il-Fond għall-Irkupru tal-UE u l-għajnuna mill-Istat.

1.6.

Il-KESE jenfasizza li l-ħolqien ta’ “ekonomija tal-idroġenu” jirrikjedi l-aċċettazzjoni u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini Ewropej, kemm bħala intraprendituri, bħala ħaddiema jew bħala konsumaturi. Il-KESE jesprimi dispjaċir dwar nuqqas ta’ riflessjoni dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija fis-setturi differenti u jitlob li ċ-ċittadini jkunu aktar involuti f’dan il-proċess permezz ta’ konsultazzjoni u parteċipazzjoni diretti u rappreżentattivi. Il-KESE jistieden ukoll lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt tal-iżvilupp tal-idroġenu nadif fuq l-ispejjeż tal-enerġija għad-djar.

1.7.

Il-KESE jfakkar li s-suċċess tat-tranżizzjoni enerġetika se jiġi mmitigat jekk ikun hemm ħaddiema “telliefa” jew jekk dawk l-aktar vulnerabbli jitħallew barra mill-benefiċċji tagħha. F’kuntest ta’ qgħad partikolarment għoli (2), speċjalment fost iż-żgħażagħ, huwa essenzjali li jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal għall-ħolqien tal-impjiegi fis-setturi li qed jiżviluppaw, l-istess bħalma huwa kruċjali li jiġi evitat li din it-tranżizzjoni twassal lir-reġjuni lejn tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, sors tal-qgħad strutturali. Il-KESE għalhekk jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tħejji analiżi biex tidentifika l-ħiliet tal-ħaddiema fis-setturi li qed jonqsu u li se jkunu utli għall-impjiegi ġodda relatati mal-idroġenu.

1.8.

Il-KESE jenfasizza r-rwol ewlieni tal-“Alleanza Ewropea għall-Idroġenu Nadif” biex titħaffef it-trasformazzjoni tal-Ewropej (3) u jitlob li jkun assoċjat magħha bħala rappreżentant tas-soċjetà ċivili organizzata. Il-KESE jirrakkomanda wkoll li l-Kummissjoni tipprovdi deskrizzjoni preċiża tal-iskadenzi tat-tranżizzjoni għall-industrija, skont il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ kull settur. L-industriji tal-azzar, tas-siment u tal-kimika għandhom jiġu appoġġjati biex ibiddlu l-metodi ta’ produzzjoni tagħhom; fin-nuqqas ta’ dan, il-KESE jenfasizza li dawn l-industriji, li jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2, jirriskjaw li ma jkampawx f’din it-trasformazzjoni.

1.9.

Il-KESE jilqa’ s-sħubijiet futuri mal-pajjiżi ġirien. Madankollu, huwa jappella biex il-Kummissjoni Ewropea tiċċara aktar l-użu ta’ elettrolizzaturi ta’ 40 GW għall-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli fil-viċinat tal-UE (4), li attwalment jinkludi pajjiżi politikament instabbli u b’politiki differenti ħafna dwar it-tranżizzjoni enerġetika u l-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli. Il-KESE jenfasizza wkoll li fil-Qafas Strateġiku tagħha għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti (5), il-Kummissjoni tistabbilixxi għaliha nnifisha l-għan li tnaqqas id-dipendenza tal-UE mill-importazzjonijiet tal-enerġija (6).

1.10.

Barra minn hekk, il-KESE jfakkar li l-kompetittività tal-intrapriżi Ewropej hija bbażata fuq il-kapaċità tagħhom li jinnovaw. Ir-riċerka u l-innovazzjoni huma wkoll kruċjali biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-soċjetà tagħna, li ġiet affettwata b’mod qawwi mill-pandemija tal-COVID-19. Għal dan il-għan, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jiġu pprovduti biżżejjed riżorsi baġitarji għall-enerġija nadifa fil-qafas tal-programm Orizzont Ewropa u tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni.

2.   Il-kontenut essenzjali tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea

2.1.

Il-Kummissjoni tafferma mill-ġdid l-ambizzjoni tagħha li tħaffef it-tranżizzjoni għal ekonomija sovrana, kompetittiva, newtrali għall-klima, f’kuntest fejn l-ekonomija Ewropea hija affettwata b’mod qawwi mill-pandemija tal-COVID-19 (7).

2.2.

Il-Kummissjoni Ewropea tenfasizza r-rwol ewlieni tal-idroġenu nadif għall-ħolqien ta’ sistema sovrana tal-enerġija aktar intelliġenti, aktar integrata u ottimizzata, li fiha s-setturi kollha jistgħu jikkontribwixxu bis-sħiħ għad-dekarbonizzazzjoni. L-idroġenu nadif u l-katina tal-valur tiegħu jista’ jkollhom rwol importanti biex jikkumpensaw għall-varjazzjonijiet tal-flussi tal-enerġija rinnovabbli u jixprunaw lis-setturi li mhumiex adattati għall-elettrifikazzjoni. Sabiex jintlaħaq dan il-potenzjal, l-Ewropa teħtieġ li tistabbilixxi ekonomija tal-idroġenu.

2.3.

Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tippreżenta strateġija bi tliet fażijiet sal-2050:

2020–2024: 6 GW ta’ elettrolizzaturi għall-produzzjoni ta’ idroġenu rinnovabbli biex tiġi ddekarbonizzata l-produzzjoni eżistenti tal-idroġenu,

2025–2030: 40 GW fl-UE u 40 GW fil-viċinat tal-Ewropa b’esportazzjonijiet lejn l-UE biex jiġu ddekarbonizzati applikazzjonijiet ġodda, bħall-industrija tal-azzar u ċerti modi ta’ trasport,

2030–2050: aġġornament massiv tal-kapaċitajiet installati għad-dekarbonizzazzjoni bl-idroġenu tas-setturi kollha hekk imsejħa “hard-to-abate sectors” (8).

2.4.

Il-Kummissjoni qed tiffoka fuq ħames dimensjonijiet ewlenin fl-istrateġija tagħha sabiex l-idroġenu rinnovabbli jsir kompetittiv fl-UE:

l-investimenti fl-UE,

l-istimolu tad-domanda u ż-żieda fil-produzzjoni,

it-tfassil tal-infrastruttura t-tajba u r-regoli tas-suq,

l-appoġġ tar-riċerka u l-innovazzjoni,

id-dimensjoni internazzjonali.

2.5.

Sabiex tiġi stabbilita din l-ekosistema, il-Kummissjoni tistma li matul dan id-deċennju se jkunu meħtieġa madwar EUR 320 sa 458 biljun ta’ investiment biex jintlaħqu l-objettivi tal-2030 tal-istrateġija tal-idroġenu: EUR 24 sa 42 biljun għall-elettrolizzaturi, EUR 220 sa 340 biljun biex tiżdied il-produzzjoni tal-enerġija mix-xemx u mir-riħ (80 sa 120 GW), madwar EUR 11-il biljun għall-immodernizzar tal-impjanti eżistenti tas-CCS u EUR 65 biljun għall-istazzjonijiet tat-trasport, tad-distribuzzjoni, tal-ħżin u tar-riforniment tal-idroġenu. Sal-2050 se jkunu meħtieġa EUR 180 sa 470 biljun għall-kapaċitajiet tal-produzzjoni biss. Barra minn hekk, se jkunu meħtieġa wkoll investimenti biex jiġu adattati s-setturi tal-użu aħħari, bħal EUR 160 sa 200 miljun biex jiġi kkonvertit impjant tipiku tal-azzar tal-UE u EUR 850 miljun sa EUR 1 biljun biex jitħaddmu 400 stazzjon żgħir ta’ riforniment tal-idroġenu.

2.6.

F’dan il-qafas, l-għodod strateġiċi ewlenin li l-UE tista’ tħaddem sabiex tagħti spinta lill-investiment privat fl-idroġenu nadif huma dawn li ġejjin:

2.6.1.

L-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet tal-idroġenu nadif fl-industrija u l-mobbiltà jistimolaw id-domanda. Għalhekk, l-istrateġija tipproponi li tipproċedi f’żewġ fażijiet distinti: l-ewwel nett l-idroġenu jintuża biex jiddekarbonizza l-produzzjoni tal-azzar u jista’ jiżviluppa f’użu intern, bħal xarabanks li jintużaw fil-bliet jew ċerti ferroviji meta f’termini ta’ spejjeż l-elettrifikazzjoni ma tkunx kompetittiva, kif ukoll għall-vetturi tqal tat-triq flimkien mal-elettrifikazzjoni. L-istrateġija li ġejja dwar l-iżvilupp sostenibbli u l-iSmart Mobility, li se tiġi ppubblikata sal-aħħar tas-sena, għandha tindirizza r-rwol tal-idroġenu fit-trasport. F’din il-perspettiva, se jitqiesu politiki ta’ appoġġ għad-domanda, li jistgħu jieħdu l-għamla ta’ kwoti tal-idroġenu rinnovabbli jew ishma minimi f’setturi speċifiċi ta’ użu aħħari (bħall-applikazzjonijiet kimiċi jew tat-trasport).

2.6.2.

Biex tiżdied il-produzzjoni, il-Kummissjoni tenfasizza li għandhom jiġu pprovduti aktar ċarezza u ċertezza lill-investituri u lill-industrija. Għalhekk, se tipproponi standard komuni b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju għall-promozzjoni ta’ faċilitajiet ta’ produzzjoni tal-idroġenu bbażati fuq il-prestazzjoni tagħhom f’termini ta’ emissjonijiet diretti tal-gassijiet serra. Tista’ tipprovdi wkoll terminoloġija komprensiva u kriterji mifruxa mal-Ewropa kollha għaċ-ċertifikazzjoni tal-idroġenu rinnovabbli, b’mod partikolari billi tibbaża fuq inizjattivi eżistenti bħal CertifHy. Barra minn hekk, ir-reviżjoni li jmiss tal-iskema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet (EU ETS) għandha tintroduċi mekkaniżmi addizzjonali biex tinkoraġġixxi l-produzzjoni ta’ idroġenu rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Barra minn hekk, is-CCfD (Carbon Contract for Difference), jiġifieri sejħa għal proġetti fit-tul akkumpanjati minn kontroparti pubblika, jista’ jitqies li jkopri d-differenza bejn il-prezz tal-eżerċitar tas-CO2 (jiġifieri EUR 55-90/tCO2) u l-prezz reali. Fl-aħħar nett, jistgħu jiġu previsti skemi ta’ appoġġ diretti u trasparenti bbażati fuq is-suq għall-idroġenu rinnovabbli, mogħtija permezz ta’ sejħiet għall-offerti.

2.6.3.

Il-Kummissjoni tipproponi li tuża b’mod gradwali l-infrastruttura flimkien mal-użu tal-offerta tat-tagħmir li jaħdem bl-idroġenu nadif. Id-domanda għall-idroġenu l-ewwel tintlaħaq bil-provvista fuq il-post jew fil-viċin. Imbagħad, se jiġu żviluppati ċentri reġjonali (il-“widien tal-idroġenu”), li jwasslu għal ħtieġa dejjem tikber ta’ infrastruttura ddedikata, mhux biss għall-applikazzjonijiet industrijali u tat-trasport u l-ibbilanċjar elettriku, iżda wkoll għat-tisħin fil-bini residenzjali u kummerċjali. In-network tal-gass eżistenti jista’ jerġa’ jintuża b’mod parzjali għat-trasport tal-idroġenu rinnovabbli fuq distanzi itwal u l-faċilitajiet ta’ ħżin fuq skala kbira jibdew ikunu meħtieġa.

2.6.4.

Sabiex tippromovi l-ħolqien ta’ promoturi Ewropej, il-Kummissjoni qed tniedi “Alleanza Ewropea għall-Idroġenu Nadif”, kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi, l-industrija u s-soċjetà ċivili. Il-missjoni tagħha hi li 1) tiżviluppa aġenda ta’ investiment u sensiela ta’ proġetti konkreti, 2) tiffaċilita l-kooperazzjoni f’networks ta’ proġetti ta’ investiment reġjonali, nazzjonali u Ewropej tul il-katina tal-valur tal-idroġenu, inklużi l-proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni (IPCEI) u 3) issaħħaħ il-finanzjament biex tgħin fl-indirizzar tad-diskrepanza fl-investiment. Din l-Alleanza għandha toffri forum wiesa’ biex tikkoordina l-investimenti tal-partijiet ikkonċernati kollha.

2.6.5.

Il-Kummissjoni biħsiebha tappoġġja l-investimenti strateġiċi fl-idroġenu nadif bħala parti mill-pjan tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza, b’mod partikolari permezz tal-punt uniku tal-investiment strateġiku Ewropew ta’ InvestEU (mill-2021 ’l quddiem).

2.6.6.

Din se tappoġġja wkoll ir-riċerka u l-innovazzjoni permezz ta’ sħubija istituzzjonalizzata dwar l-idroġenu nadif kif ukoll sħubijiet importanti dwar it-trasport u l-industrija, bħal 2Zero jew Clean Steel. Il-Kummissjoni se tipprovdi appoġġ immirat għall-proġetti b’saħħithom fl-Istati Membri permezz ta’ strumenti ddedikati (pereżempju InnovFin EDP, InvestEU). Strument interreġjonali għall-investiment fl-innovazzjoni b’azzjoni pilota dwar l-idroġenu fir-reġjuni li jużaw ħafna karbonju se jkun iffinanzjat fil-perjodu qafas li jmiss tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR).

2.6.7.

Fl-aħħar nett, biex jiġu promossi b’mod attiv opportunitajiet ġodda ta’ kooperazzjoni dwar l-idroġenu nadif, l-istrateġija tipproponi li tikkunsidra mill-ġdid is-sħubijiet fl-enerġija mal-pajjiżi u r-reġjuni ġirien (fil-Lvant tal-UE, b’mod partikolari l-Ukrajna, u l-viċinat tan-Nofsinhar) permezz tal-korpi internazzjonali rilevanti, bħall-Komunità tal-Enerġija u l-Forum Ministerjali dwar l-Enerġija Nadifa. Dan se jkun akkumpanjat minn appoġġ għall-investiment, bil-pjattaforma ta’ investiment tal-viċinat u l-Qafas ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent. Il-Kummissjoni se tiżviluppa punt ta’ riferiment għat-tranżazzjonijiet iddenominati f’euro fil-qasam tal-idroġenu sabiex jiġi kkonsolidat ir-rwol tal-euro fil-kummerċ tal-enerġija sostenibbli, u se tintegra l-idroġenu nadif fl-isforzi diplomatiċi internazzjonali, reġjonali u bilaterali tal-UE dwar l-enerġija, il-klima, ir-riċerka, il-kummerċ u l-kooperazzjoni internazzjonali.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

L-objettiv tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, li huwa li sal-2050 tintlaħaq in-newtralità klimatika fil-kontinent, jeħtieġ politiki konkreti biex isir realtà. Barra minn hekk, bħalissa l-Unjoni Ewropea qiegħda tesperjenza emerġenza tas-saħħa u ekonomika kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19. L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom għalhekk jikkoordinaw ir-rispons tagħhom għal dawn il-kriżijiet, sabiex l-irkupru ekonomiku jservi ta’ punt tat-tluq lejn futur nadif u reżiljenti. Dan il-futur jeħtieġ iż-żieda tas-sovranità ekonomika tal-UE, parzjalment bl-iżvilupp ta’ enerġija rinnovabbli u kapaċitajiet ta’ ħżin relatati.

3.2.

Il-KESE għalhekk jappoġġja l-istrateġija tal-Kummissjoni Ewropea biex jinħoloq ambjent li jwassal għal żieda fil-provvista u d-domanda għall-idroġenu għal ekonomija newtrali għall-klima. Madankollu, jixtieq jenfasizza li s-suċċess tal-idroġenu nadif jiddependi minn żieda konsiderevoli fl-effiċjenza tas-sistema tal-enerġija tagħna u l-użu massiv ta’ enerġija rinnovabbli, sabiex tiġi estiża l-elettrifikazzjoni li nużaw.

3.3.

Fil-fatt, filwaqt li l-KESE jilqa’ l-għanijiet ambizzjużi stabbiliti mill-istrateġija għall-użu ta’ elettrolizzaturi għall-produzzjoni ta’ idroġenu rinnovabbli, jenfasizza li l-prijorità għandha tkun li tissaħħaħ il-kapaċità rinnovabbli installata fl-Ewropa biex tissodisfa d-domanda dejjem tikber minħabba li kulma nużaw jaħdem bl-elettriku, apparti l-elettriku meħtieġ biex jiġi prodott l-idroġenu nadif. Bħalissa, il-perkors għall-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli ma jinkludix il-produzzjoni tal-idroġenu u madwar terz biss tal-konsum tal-elettriku tal-UE huwa xprunat minn sorsi rinnovabbli (9).

3.4.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-kjarifiki tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni ta’ idroġenu nadif, definit bħala idroġenu prodott bl-elettroliżi bl-użu ta’ elettriku rinnovabbli, li ġej mill-enerġija mir-riħ, mix-xemx u mill-ilma jew il-konverżjoni bijokimika tal-bijomassa rinnovabbli, u bi pjaċir jinnota li huwa ta’ prijorità għall-UE, bħala l-unika għażla kompatibbli mal-għanijiet tan-newtralità klimatika.

3.5.

Il-KESE jinnota, madankollu, li l-istrateġija żżomm il-bieb miftuħ għal forom oħra ta’ idroġenu b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fuq perjodu qasir u medju ta’ żmien, miksub minn fjuwils fossili bil-qbid u l-ħżin tal-karbonju (CCS) (10), teknoloġija li għadha kif ġiet introdotta. Il-KESE jfakkar li, fl-ebda ċirkostanza, l-idroġenu bis-CCS ma jista’ jitqies bħala sors ta’ enerġija ekoloġika jekk l-użu tiegħu jkun marbut mal-estrazzjoni diretta jew indiretta tal-enerġija fossili. Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm għodod għall-analiżi tal-karbonju tul il-katina kollha tal-valur tal-idroġenu flimkien mas-CCS biex jiġu indikati bħala emissjonijiet b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju aktar milli mingħajr karbonju (11) u jiġi evitat li l-iffrankar fl-emissjonijiet ma jkunx biżżejjed biex jintlaħqu l-objettivi tal-emissjonijiet mistennija fit-tul.

3.6.

Barra minn hekk, il-KESE jinnota li skont l-analiżi tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-finanzjament allokat mill-UE biex jappoġġja lis-CCS, bħal NER 300, “ma wettaq l-ebda proġett ta’ suċċess għall-ġbir u l-ħżin tal-karbonju” (12). Għalhekk hemm ħafna inċertezza dwar il-vijabbiltà teknoloġika tas-CCS, u xi ftit inċertezza dwar l-appoġġ pubbliku għas-CCS.

3.7.

Il-KESE jieħu nota tal-istima tal-Kummissjoni li l-prezzijiet tal-karbonju fl-ordni ta’ EUR 55 sa 90 għal kull tunnellata ta’ CO2 se jkunu meħtieġa biex l-idroġenu mill-fjuwils fossili bil-qbid tal-karbonju jkun kompetittiv mal-idroġenu mill-fjuwils fossili u jistieden lill-Kummissjoni tiddeskrivi l-mudell finanzjarju tal-investimenti li jwasslu għal spiża ta’ kumpens bħal din, b’mod partikolari l-impatt tal-ispiża tal-kapital immobilizzat mill-investimenti privati li joħolqu l-ispiża addizzjonali tal-proġetti. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi dettalji dwar il-prezzijiet stmati tal-idroġenu nadif li jneħħu l-bżonn għas-sussidji u tistudja l-mekkaniżmi meħtieġa biex jinkisbu dawn il-prezzijiet, b’mod partikolari waqt ir-reviżjoni li jmiss tal-iskema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet (EU ETS).

3.8.

Il-KESE jfakkar ukoll li jekk l-idroġenu rinnovabbli tabilħaqq jista’ jikkompeti mal-idroġenu mill-fjuwils fossili kif ukoll mal-idroġenu mill-fjuwils fossili bil-qbid tal-karbonju, fuq kollox jista’ jikkompeti mal-fjuwils fossili. Dan jirrikjedi li l-ispiża tiegħu tinżel taħt il-USD 1/kg (13). It-tnaqqis tal-ispiża tal-investiment (capex) tal-idroġenu ekoloġiku huwa għalhekk kwistjoni ewlenija. Il-KESE jitlob b’mod espliċitu li l-Kummissjoni Ewropea tagħti x-xenarji tal-prezz tal-idroġenu fir-rigward tal-ispiża tal-kapital finanzjarju mmobilizzat fuq il-proġetti tal-idroġenu ekoloġiku.

3.9.

Il-KESE jfakkar ukoll li t-tentattivi tal-passat biex terġa’ titqajjem “ekonomija tal-idroġenu” ma rnexxewx, prinċipalment minħabba li d-domanda għall-idroġenu qatt ma seħħet. Huwa għalhekk li l-KESE jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni qiegħda tiddefinixxi b’mod ċar is-setturi ta’ użu aħħari li se jkollhom jużaw l-idroġenu: l-industrija u ċerti modi ta’ trasport kif ukoll is-settur tal-ħżin statiku tal-elettriku, minbarra l-ħżin bil-batteriji.

3.10.

Għalhekk, l-idroġenu nadif għandu jintuża biss f’każijiet fejn għażliet oħra eżistenti ta’ dekarbonizzazzjoni mhumiex possibbli u l-KESE jistieden lill-Kummissjoni tikkonċentra l-investimenti fuq l-applikazzjonijiet fejn l-idroġenu jista’ jkollu rwol ewlieni, bħall-industrija, il-mobbiltà (marittima, tal-avjazzjoni) u l-ħżin minn enerġija rinnovabbli. Kull fejn il-batteriji jkunu operattivi – u b’mod partikolari għall-karozzi, it-taxis, il-flotot tax-xarabanks u l-vannijiet u t-trakkijiet urbani msemmija fl-istrateġija – l-idroġenu x’aktarx jipprovdi soluzzjonijiet inqas kosteffettivi. Jista’ jkun ukoll wieħed mill-għażliet possibbli għad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport tal-merkanzija bit-triq fuq distanzi twal (14).

3.11.

Il-pandemija tal-COVID-19 iggravat u kabbret l-inugwaljanzi fis-soċjetà tagħna u żiedet il-faqar fl-Ewropa. Huwa għalhekk meħtieġ li l-istrateġija tal-idroġenu għal Ewropa newtrali għall-klima ma tħalli lil ħadd jibqa’ lura. Il-KESE għalhekk jitlob lill-Kummissjoni tissorvelja u tivvaluta t-talbiet għar-ristrutturar tal-impjieg marbut mal-istrateġija għall-idroġenu.

4.   Kummenti speċifiċi

Id-dimensjoni soċjali

4.1.

Minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u l-kriżi li rriżultat minnha, il-qgħad huwa mistenni jiżdied għal 9 % fl-UE, u mistenni jolqot b’mod partikolari liż-żgħażagħ u lill-ħaddiema b’livell baxx ta’ ħiliet. Il-KESE jenfasizza għalhekk l-importanza li jiġi żgurat taħriġ ta’ kwalità għolja għall-ħaddiema u l-ħtieġa li s-settur tal-enerġija jsir aktar attraenti għaż-żgħażagħ Ewropej. Għal dan il-għan, l-Unjoni Ewropea tista’ toħloq ċentri Ewropej ta’ eċċellenza għall-apprendisti f’impjiegi marbutin b’mod speċifiku mat-tranżizzjoni enerġetika (eż. awditi tal-enerġija, l-installazzjoni ta’ pompi tas-sħana). Billi tagħti għotjiet u testendi l-programm ErasmusPro, l-UE tista’ tagħmel liż-żgħażagħ Ewropej atturi ewlenin fit-tranżizzjoni enerġetika, b’mod partikolari fil-qasam tal-idroġenu nadif.

4.2.

It-trawwim tal-ħolqien tal-impjiegi permezz tal-użu tal-idroġenu rinnovabbli jinvolvi l-appoġġ tal-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) Ewropej, li jikkontribwixxu għal żewġ terzi tal-impjieg fis-settur privat mhux finanzjarju Ewropew (15). Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa għodod finanzjarji speċifiċi biex jappoġġjawhom (16).

4.3.

Il-KESE jinnota wkoll li t-titjib tal-kompetittività tal-UE u t-tisħiħ tar-reżiljenza tagħha jeħtieġu li jinżamm il-kontroll tal-assi u l-industriji tal-UE u jiġi indirizzat id-dumping industrijali minn reġjuni oħra tad-dinja.

4.4.

Fl-aħħar nett, il-KESE jistieden lill-UE tieħu vantaġġ sħiħ minn mudelli ta’ negozju ġodda u aktar sostenibbli, ibbażati fuq id-djalogu bejn il-partijiet ikkonċernati kollha, b’mod partikolari permezz ta’ involviment qawwi tal-impjegati fl-istrateġija tal-intrapriżi (17).

Il-ħtiġijiet tal-investimenti fl-UE

4.5.

Il-KESE jenfasizza li l-fondi Ewropej ma għandhomx isostnu l-fjuwils fossili u jistieden lill-Kummissjoni tapplika l-prinċipju “La tagħmilx ħsara” għall-finanzjament pubbliku kollu taħt il-QFP+, InvestEU, il-Fond għall-Irkupru tal-UE u l-għajnuna mill-Istat. Fi kwalunkwe każ, l-idroġenu ġġenerat permezz ta’ proċess ta’ CCS direttament jew indirettament ma jistax ikun eliġibbli għat-tassonomija ekoloġika tal-finanzjament Ewropew.

4.6.

Il-KESE jilqa’ b’mod favorevoli l-fatt li l-mekkaniżmu l-ġdid għall-irkupru u r-reżiljenza jappoġġja l-investimenti u r-riformi tal-Istati Membri li huma essenzjali għal irkupru sostenibbli, b’mod partikolari fis-settur tal-idroġenu rinnovabbli. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-pjani nazzjonali għall-enerġija u l-klima jiggwidaw il-pjani għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Istati Membri. Għal dan il-għan, għandha tiżgura li l-kontribut għat-tranżizzjoni ekoloġika jkun kundizzjoni sine qua non fl-evalwazzjoni tal-proġetti tal-Istati Membri.

4.7.

L-alleanza għall-idroġenu nadif se jkollha rwol ewlieni fl-użu tal-idroġenu fl-Ewropa, b’mod partikolari permezz tal-iżvilupp tal-programm ta’ investiment u l-bini ta’ riżerva ta’ proġetti reġjonali, nazzjonali u Ewropej. Il-KESE għalhekk jenfasizza l-importanza li l-partijiet ikkonċernati kollha jiġu rrappreżentati b’mod ġust, inklużi s-soċjetà ċivili fid-dimensjonijiet kollha tagħha, il-ħaddiema u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi. Kif inhi bħalissa, fil-maġġoranza l-kbira tagħha tirrappreżenta atturi privati (18). Il-KESE huwa rappreżentant ġenwin tas-soċjetà ċivili organizzata, u għalhekk għandu jkun involut bis-sħiħ fid-diskussjonijiet u l-proċessi ta’ konsultazzjoni.

L-istimolu tad-domanda u ż-żieda fil-produzzjoni

4.8.

Il-KESE huwa konvint li l-irkanti fil-kuntest tas-CCfD jaqdu rwol importanti biex jiġi żgurat li l-proċessi industrijali jiġu kkonvertiti malajr f’idroġenu. Is-CCfDs jistgħu jibagħtu sinjal pożittiv lill-investituri u lill-industrija (19). Madankollu, il-KESE jixtieq jenfasizza ż-żewġ punti li ġejjin.

4.8.1.

Filwaqt li tenfasizza r-rilevanza tal-kuntratti għad-differenza għall-karbonju, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-iskema eżistenti tal-UE għan-negozjar ta’ emissjonijiet (EU ETS) mhijiex kapaċi tibgħat sinjali qawwija biżżejjed ta’ prezzijiet biex tiskatta l-investimenti bla dubju meħtieġa biex tinkiseb in-newtralità klimatika. Minn naħa, dan huwa dovut għall-fatt li l-materja prima fossili tkompli tibbenefika minn sussidji għoljin fl-UE. Skont ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-sussidji tal-enerġija, is-sussidji tal-gass naturali użat għall-produzzjoni tal-idroġenu bil-qbid u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju (CCS) fil-fatt żdiedu (20). Għalhekk hemm distorsjoni kbira tas-suq li xxekkel l-investimenti fit-teknoloġiji tal-protezzjoni tal-klima bħall-idroġenu ekoloġiku jew tagħmilhom għaljin għalxejn. Barra minn hekk, anke wara r-riforma tagħha, l-EU ETS għadha ma tirriflettix il-prezz reali tal-karbonju. Mingħajr sussidji għall-materja prima fossili u bi skema iktar imtejba għan-negozjar ta’ emissjonijiet, ma jkun hemm bżonn tal-ebda CCfDs. Għalhekk, dawn iż-żewġ kompiti għandhom ikunu l-ewwel prijorità tal-Kummissjoni.

4.8.2.

Peress li s-CCfDs huma madankollu meħtieġa, it-tfassil tas-sejħa għall-offerti għandu jsir b’tali mod li l-produzzjoni tal-idroġenu bl-elettroliżi tiġi ffinanzjata biss jekk l-elettriku żejjed li ġej mill-enerġija rinnovabbli jintuża għal dan il-għan (21). Għalhekk, il-KESE jenfasizza li sistema Ewropea ta’ finanzjament u sejħiet speċifiċi għall-offerti għall-idroġenu rinnovabbli huma essenzjali biex jiġi żgurat li ma jitnaqqasx ir-ritmu tal-iżvilupp tal-idroġenu mill-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju (CCS).

Id-dimensjoni internazzjonali

4.9.

Il-KESE jqajjem mistoqsijiet dwar it-tipi ta’ sħubijiet futuri fl-enerġija mmirati biex jintużaw 40 GW ta’ elettrolizzaturi għall-produzzjoni ta’ idroġenu rinnovabbli fil-viċinat tal-UE (22). Fi żmien meta l-mexxejja tal-Istati Membri qed isejħu għal aktar sovranità Ewropea, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa approċċ koerenti.

4.10.

Il-KESE jenfasizza wkoll id-diffikultà li jiġu attirati investituri Ewropej lejn pajjiżi politikament instabbli. Il-KESE madankollu jirrakkomanda li l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent involuti fil-proċess ta’ adeżjoni mal-UE jiġu inklużi fid-diskussjonijiet u l-azzjonijiet kollha għall-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-idroġenu.

4.11.

Barra minn hekk, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi aktar dettalji dwar il-kapaċitajiet ta’ dawn il-pajjiżi biex jiġu żviluppati dawn is-sħubijiet futuri, billi bħalissa l-istrateġija tinkludi firxa wiesgħa ta’ pajjiżi differenti bħall-Alġerija, l-Eġittu, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Libja, il-Marokk, il-Palestina (23), is-Sirja u t-Tuneżija, b’politiki differenti ħafna dwar it-tranżizzjoni enerġetika u l-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli. F’dawn il-pajjiżi, is-sistemi ta’ appoġġ finanzjarju għall-SMEs irrakkomandati mill-KESE għandhom jingħataw prijorità ukoll, minħabba r-rata għolja ta’ SMEs f’dawn il-pajjiżi u l-intermedjazzjoni bankarja b’saħħitha.

4.12.

Il-KESE fil-fatt qed jistaqsi dwar il-kapaċità ta’ dawn il-pajjiżi li jużaw biżżejjed elettrolizzaturi għall-produzzjoni ta’ idroġenu rinnovabbli biex tiġi ssodisfata d-domanda Ewropea minbarra d-domanda domestika tagħhom. Fl-Afrika ta’ Fuq u fl-Ukrajna, l-użu ta’ 40 GW ikun tabilħaqq jeħtieġ 76 GW ta’ enerġija rinnovabbli sal-2030, li jimplika t-triplikazzjoni tal-kapaċità f’dawn il-pajjiżi f’10 snin (24).

Brussel, is-27 ta’ Jannar 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Magħrufa wkoll bħala “hard-to-abate sectors” (pereżempju, l-industriji tal-azzar, tal-petrokimika, tal-aluminju, tas-siment u tal-fertilizzanti), definiti hekk minħabba li s-soluzzjonijiet ta’ dekarbonizzazzjoni jinvolvu spiża ogħla biex jitnaqqsu l-emissjonijiet meta mqabbla mat-teknoloġiji attwali b’kontenut ogħla ta’ karbonju.

(2)  Skont id-data tal-Eurostat ippubblikata f’Awwissu 2020, il-Coronavirus ikkawża tnaqqis ta’ 2,6 % fl-impjieg fl-UE fit-tieni trimestru.

(3)  Jiġifieri l-ħolqien ta’ oġġetti u servizzi mingħajr l-użu tal-karbonju.

(4)  Inklużi l-Balkani tal-Punent, l-Ukrajna u l-pajjiżi fil-Viċinat tan-Nofsinhar.

(5)  Ara COM(2015) 80.

(6)  Ara: COM(2020) 299 “Nixprunaw Ekonomija Newtrali għall-Klima: Strateġija tal-UE dwar l-Integrazzjoni tas-Sistema tal-Enerġija”.

(7)  Il-PDG tal-Unjoni naqas bi 11,9 % fit-tieni trimestru tal-2020, skont il-Eurostat, l-uffiċċju tal-istatistika tal-UE.

(8)  Definiti b’dan il-mod minħabba li l-ispejjeż tat-tnaqqis tal-emissjonijiet huma għoljin u l-progress fit-tnaqqis tal-emissjonijiet kien bil-mod u diffiċli.

(9)  Data tal-Eurostat, [nrg_ind_peh]

(10)  Jew tal-elettroliżi b’ċiklu tal-ħajja mnaqqas b’mod sinifikanti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra.

(11)  Jippermetti 60-85 % fl-iffrankar tal-emissjonijiet matul iċ-ċiklu tal-ħajja meta mqabbel mal-użu tal-gass naturali fil-bojlers.

(12)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni, u lill-Bank Ewropew tal-Investiment – Pjaneta Nadifa għal kulħadd – Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima”ĠU C 282, 20.8.2019, p. 51

(13)  L-idroġenu prodott bir-riformar tal-gass naturali jiswa madwar USD 1/kg. Sors: Platts Hydrogen Assessments.

(14)  Ara r-rapport annwali għall-2019 tat-T&E

(15)  https://www.touteleurope.eu/actualite/les-entreprises-dans-l-union-europeenne.html (French only)

(16)  Jiġifieri l-fondi territorjali tal-investiment, sistema ta’ garanzija pubblika għal 60 % tal-finanzjament ekoloġiku ddedikat għall-iżvilupp tagħhom, u sistemi ta’ assigurazzjoni li jkopru r-riskju ta’ żvilupp tagħhom fil-qasam tal-idroġenu ekoloġiku.

(17)  Riżoluzzjoni tal-KESE tal-11 ta’ Ġunju 2020 dwar “Proposti tal-KESE għar-rikostruzzjoni u l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19”ĠU C 311, 18.9.2020, p. 1.

(18)  Ara l-lista tal-membri tal-Alleanza għall-Idroġenu Nadif.

(19)  Dawn l-irkanti kkontribwixxew b’mod partikolari għall-iżvilupp tal-enerġija mir-riħ offshore fir-Renju Unit peress li ppermettew li jinkisbu offerti baxxi.

(20)  Ara l-Anness 2 tad-dokument COM(2020) 950 final.

(21)  Pereżempju, jekk operatur tal-elettrolizzaturi juri li jirċievi l-elettriku għall-elettroliżi direttament minn impjant tal-enerġija rinnovabbli mibni ġdid jew għandu kuntratt għall-provvista tal-elettriku li jiġi attivat biss meta l-prezzijiet tas-suq bl-ingrossa jkunu negattivi.

(22)  Inklużi l-Balkani tal-Punent, l-Ukrajna u l-pajjiżi fil-Viċinat tan-Nofsinhar.

(23)  Dan l-isem m’għandux jinftiehem bħala rikonoxximent ta’ Stat tal-Palestina u huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni ta’ kull Stat Membru rigward din il-kwistjoni.

(24)  https://www.irena.org/-/media/Files/IRENA/Agency/Publication/2020/May/SDG7Tracking_Energy_Progress_2020.pdf


9.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/37


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 fir-rigward tal-eżenzjoni temporanja mir-regoli dwar l-użu tas-slots fl-ajruporti tal-Komunità minħabba l-pandemija tal-COVID-19”

(COM(2020) 818 final — 2020/0358 (COD))

(2021/C 123/07)

Relatur ġenerali:

Thomas KROPP

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 18.1.2021

Kunsill, 21.1.2021

Bażi legali

Artikoli 100(2) u Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

It-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fil-plenarja

27.1.2021

Sessjoni plenarja Nru

557

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

225/1/4

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Fis-16 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni Ewropea (KE) ipproponiet regolament emendatorju ġdid (1) rigward eżenzjoni temporanja mill-klawżola “jintużaw inkella jintilfu” għall-perjodu wara s-27 ta’ Marzu 2021. Essenzjalment, il-Kummissjoni pproponiet li r-regola “tużah jew titilfu” għandha terġa’ tapplika iżda li, għal perjodu limitat, il-limitu għall-użu tas-slots għandu jkun stabbilit għal 40 % minflok 80 %. Barra minn hekk, il-KE pproponiet li għandu jkollha setgħat delegati biex testendi l-eżenzjoni mis-slots, skont għadd ta’ kriterji relatati mat-tul u l-intensità tal-kriżi.

1.2.

Il-KESE jfaħħar lill-KE għall-inizjattiva tagħha li testendi l-eżenzjoni temporanja mir-regoli tar-regolament dwar is-slots tal-Komunità Ewropea, u jappoġġja l-proposta li tagħti mandat lill-Kummissjoni biex tadatta l-limitu sal-istaġun tax-xitwa tal-2024/2025.

1.3.

Madankollu, sabiex jinħoloq mekkaniżmu ta’ rispons verament flessibbli, il-proposta għandha tinkludi wkoll id-dritt tal-linji tal-ajru li jerġgħu lura għal serje sħiħa ta’ slots flimkien ma’ limitu ta’ użu varjabbli.

1.4.

L-estensjoni hija ġġustifikata minħabba li l-kriżi ekonomika globali esperjenzata fil-bidu tal-2021 hija agħar milli kien antiċipat 12-il xahar ilu, matul l-ewwel tliet xhur tal-2020. Għall-kuntrarju tal-aspettattivi, il-pandemija tal-COVID-19 għadha ma ġietx imrażżna. Fil-fatt, it-tieni mewġa ta’ żidiet esponenzjali ta’ infezzjonijiet fit-tieni nofs tal-2020 s’issa kellha implikazzjonijiet soċjali, ekonomiċi u finanzjarji aktar qawwija mill-ewwel mewġa fl-Ewropa. It-trasport, il-kummerċ u t-turiżmu huma fost is-setturi ekonomiċi l-aktar milquta. Barra minn hekk, mutazzjoni infettiva ħafna tal-virus attwalment qed tinfirex madwar l-Ewropa. Dan l-aħħar ir-Renju Unit impona t-tielet lockdown biex irażżan it-“tielet mewġa” tal-virus.

1.5.

Il-KESE jħeġġeġ lill-KE u lill-Koleġiżlaturi jikkunsidraw mill-ġdid il-proposta tal-Kummissjoni fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet żviluppati mill-Bord Dinji tas-Slots tal-Linji tal-Ajru (WASB), li huwa magħmul minn linji tal-ajru, ajruporti u koordinaturi tas-slots, u li ppubblika r-rakkomandazzjonijiet tiegħu għall-eżenzjoni tas-slots għall-istaġun tal-iskedar tas-sajf 2021 (2) fl-20 ta’ Novembru 2020 (IATA, A4E, ACI-Europe u EUACA jappoġġjaw ir-rakkomandazzjoni tad-WASB). Ir-rakkomandazzjonijiet jikkonsistu f’taħlita ta’ (i) eżenzjoni sħiħa mir-regola “tużah jew titilfu” għal serje sħiħa ta’ slots li jerġgħu jiġu rritornati fil-grupp qabel il-bidu tal-istaġun u (ii) limitu ta’ utilizzazzjoni ta’ 50 % għas-serje ta’ slots li l-linji tal-ajru jżommu. Fiha wkoll ċerti kundizzjonijiet u dispożizzjonijiet dwar in-nuqqas ta’ użu ġustifikat ta’ slots speċifiċi għas-sitwazzjoni tal-COVID-19.

1.6.

Il-KESE jemmen li huwa essenzjali li jinżamm bilanċ bejn il-ħtieġa li jiġu evitati miżuri li jħallu impatt negattiv fuq il-kapaċità tas-settur tal-avjazzjoni li jirkupra minn din il-kriżi, l-objettiv fit-tul tal-linji tal-ajru li jżommu slots li jiswew ħafna flus fl-ajruporti, u l-ħtieġa li jiġi żgurat livell xieraq ta’ kompetizzjoni għal slots skarsi bħal dawn.

1.7.

Fl-aħħar nett, il-KESE jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-KE tidher iffukata fuq l-indirizzar tal-miżuri ta’ eżenzjoni mir-regoli tal-UE dwar l-allokazzjoni tas-slots mingħajr ma tqis li miżuri bħal dawn se jiġu riflessi globalment minn partijiet oħra tad-dinja. Għalhekk huwa preferibbli li jsiru modifiki li jkunu operazzjonalment fattibbli u maqbula globalment – bħar-rakkomandazzjonijiet tad-WASB.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 (3), li kien emendat b’mod parzjali mir-Regolament (KE) Nru 793/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), jiddetermina l-proċeduri u r-regoli għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-UE. L-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament jispeċifika li t-trasportaturi tal-ajru għandhom jużaw mill-inqas 80 % tas-slots allokati tagħhom f’perjodu ta’ skedar partikolari sabiex iżommu dawn is-slots għall-perjodu ta’ skedar korrispondenti fis-sena ta’ wara (għalhekk, “tużah jew titilfu”).

2.2.

Fit-30 ta’ Marzu 2020, l-Unjoni Ewropea adottat emenda għar-Regolament dwar is-Slots (5) biex titneħħa r-regola “tużah jew titilfu” għall-perjodu kollu ta’ skedar tas-sajf 2020, li jintemm fl-24 ta’ Ottubru 2020. Dik l-emenda tat ukoll is-setgħa lill-KE biex testendi l-perjodu kopert mill-eżenzjoni sal-4 ta’ April 2021. Fl-14 ta’ Ottubru 2020, il-Kummissjoni adottat att delegat (6) li jestendi l-perjodu li jirrinunzja għar-regola “tużah jew titilfu” sal-aħħar tal-istaġun ta’ skedar tax-xitwa 2020/2021 fis-27 ta’ Marzu 2021.

2.3.

Il-KESE jappoġġja l-proposta ta’ sospensjoni tar-regoli tal-UE dwar l-allokazzjoni ta’ slots fl-ajruporti fid-dokument ta’ pożizzjoni tiegħu, adottat fil-25 ta’ Marzu 2020. Dan ir-rapport irrakkomanda stabbiltà fl-ippjanar għal-linji tal-ajru u l-possibbiltà ta’ reazzjoni rapida u flessibbli għall-iżviluppi tas-suq mingħajr ma jintilfu s-slots meħtieġa biex jerġgħu jiġu stabbiliti networks li jiffunzjonaw.

2.4.

Filwaqt li ssemmiet il-ħtieġa li tiġi stabbilita mogħdija għar-ritorn għall-applikazzjoni normali tar-regola “tużah jew titilfu”, il-Kummissjoni pproponiet li mill-perjodu ta’ skedar tas-sajf 2021, l-applikazzjoni tar-rekwiżiti tal-użu tas-slots skont ir-Regolament dwar is-Slots għandha terġa’ tapplika, iżda li l-limitu għandu jiġi stabbilit għal 40 % minflok 80 %. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tkun iddelegat setgħat sa u inkluż l-istaġun tax-xitwa tal-2024/2025 biex testendi aktar l-eżenzjoni tas-slots billi taġġusta r-rata tal-użu tas-slots abbażi ta’ għadd ta’ indikaturi, bħad-data attwali u mbassra dwar it-traffiku tal-ajru, il-fatturi tat-tagħbija u l-użu tal-flotta. Il-proposta fiha wkoll ċerti kundizzjonijiet rigward, fost l-oħrajn, l-esklużjonijiet għal slots allokati ġodda u skambjati, kif ukoll limitu ta’ żmien għar-ritorn ta’ slots.

2.5.

Fl-20 ta’ Novembru 2020, id-WASB, magħmul minn linji tal-ajru, ajruporti u koordinaturi tas-slots, ħabbar li kien laħaq qbil dwar rakkomandazzjonijiet għal eżenzjoni tas-slots għall-istaġun tal-iskedar tas-sajf 2021 (7). L-IATA, l-A4E (8), l-ACI-Europe u l-EUACA jappoġġjaw ir-rakkomandazzjoni tad-WASB. B’kuntrast mal-proposta tal-KE, jirrakkomanda taħlita ta’ (i) eżenzjoni sħiħa mir-regola “tużah jew titilfu” għal serje sħiħa ta’ slots li jerġgħu jiġu rritornati fil-grupp għal żmien twil biżżejjed qabel il-bidu tal-istaġun u (ii) limitu ta’ użu ta’ 50 % għal serje ta’ slots li l-linji tal-ajru jżommu. Fiha wkoll ċerti kundizzjonijiet u dispożizzjonijiet dwar in-nuqqas ta’ użu ġustifikat ta’ slots speċifiċi għas-sitwazzjoni tal-COVID-19.

2.6.

Il-KESE jappoġġja l-eżenzjoni kontinwa mir-regola tal-UE dwar ir-regola tar-regolament dwar is-slots “tużah jew titilfu” għall-istaġun tas-sajf 2021. Madankollu, jemmen li l-proposta tal-KE għandha tinkludi l-kapaċità li tiġi rritornata serje sħiħa ta’ slots, flimkien ma’ tnaqqis fil-limitu. Fil-fatt, il-konnettività fit-terminu medju sa dak itwal tiġi servuta aħjar jekk il-linji tal-ajru jkunu appoġġjati fl-irkupru finanzjarju tagħhom u jkunu jistgħu jerġgħu jistabbilixxu n-networks tagħhom ladarba jerġa’ jiżdied it-traffiku. Barra minn hekk, l-eżenzjonijiet mir-regola dwar l-użu tas-slots f’pajjiżi terzi ta’ spiss huma soġġetti għal reċiproċità, u dan jissuġġerixxi l-ħtieġa ta’ approċċ kompatibbli fuq livell globali.

2.7.

Il-KESE jappoġġja l-impetu tar-rakkomandazzjonijiet tad-WASB, ippubblikati fl-20 ta’ Novembru 2020, li jinkludu għażla li l-linji tal-ajru jirritornaw sensiliet sħaħ ta’ slots matul il-kriżi. Il-KE tidher iffukata fuq l-indirizzar tal-miżuri ta’ eżenzjoni mir-regoli tal-UE dwar l-allokazzjoni tas-slots mingħajr ma tqis li miżuri bħal dawn se jkunu riflessi mir-reġjuni l-oħra kollha fid-dinja. Għalhekk huwa preferibbli li jsiru modifiki li jkunu operazzjonalment fattibbli u maqbula globalment. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-KE u lill-koleġiżlaturi jikkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet tad-WASB.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1.

B’kollox, sal-31 ta’ Diċembru 2020, 6,1 miljun titjira, jew 1,7 biljun vjaġġ tal-passiġġieri, ġew mitlufa mit-Traffiku tal-Ajru Ewropew meta mqabbla mas-sena ta’ qabel (9), bħala riżultat tal-pandemija tal-COVID-19.

3.2.

Biex titnaqqas ir-rata tat-tkabbir tal-virus, il-gvernijiet imponew restrizzjonijiet severi fuq it-traffiku internazzjonali tal-ajru u fuq il-mobilità taċ-ċittadini rispettivi tagħhom. It-trasportaturi tal-ajru kellhom inaqqsu b’mod qawwi l-kapaċità u jwaqqfu l-operat tal-inġenji tal-ajru. F’diversi Stati Membri tal-UE, linji tal-ajru sħaħ baqgħu temporanjament l-art.

3.3.

Din is-sitwazzjoni se tibqa’ kif inhi fl-2021, u tpoġġi pressjoni qawwija fuq il-vijabbiltà finanzjarja tal-partijiet ikkonċernati kollha tal-avjazzjoni, b’mod partikolari l-imsieħba soċjali, li kollha kemm huma ġġustifikaw it-tħassib dwar il-futur tal-impjieg tagħhom. Filwaqt li nstab vaċċin u dan ilu jingħata fl-UE mis-27 ta’ Diċembru 2020, rata ta’ tilqim suffiċjenti tal-popolazzjoni biex tippermetti t-tneħħija tar-restrizzjonijiet u l-miżuri ġenerali mmirati lejn it-tnaqqis tal-infezzjonijiet mhux se tintlaħaq qabel l-aħħar tal-2021 jew anke l-2022 (10). Ma hemm l-ebda indikazzjoni li d-domanda fl-istaġun tas-sajf tal-2021 se terġa’ lura f’xi livell qrib ta’ dawn l-aħħar snin. L-inċertezza eżistenti se tibqa’ u tista’ saħansitra tiżdied jekk jitfaċċaw varjanti ġodda, aktar infettivi jew fatali tal-COVID-19. Fil-fatt, skont il-projezzjonijiet tal-industrija, il-perjodu ta’ rkupru jista’ jdum mill-inqas sal-2024 jew l-2025 (11).

3.4.

Is-slots huma essenzjali għall-operat lejn u minn ajruporti b’konġestjoni u huma importanti għat-trasportaturi tal-ajru biex jiksbu aċċess għall-kapaċità skarsa tal-ajruporti sabiex iżommu n-networks tagħhom u l-konnettività li jipprovdu lill-klijenti tagħhom. It-trasportaturi ħadu s-snin biex jiżviluppaw in-networks tagħhom u jakkwistaw is-slots meħtieġa għat-traffiku intra-Ewropew, interkontinentali u dak reġjonali li jwassal lill-passiġġieri fl-ajruporti ċentrali. Biex iżommu s-slots tagħhom fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni li tinnewtralizza r-regola “tużah jew titilfu”, it-trasportaturi tal-ajru jkunu obbligati jkomplu joperaw titjiriet b’numru ta’ passiġġieri baxx ħafna, u dan jaggrava t-telf finanzjarju u joħloq piż ambjentali mhux meħtieġ.

3.5.

Il-miżuri kollha implimentati fl-2020 kienu bbażati fuq is-suppożizzjoni li dawn jgħinu jiżguraw kontroll effettiv tat-tixrid ulterjuri tal-virus f’perjodu qasir ta’ żmien, tal-anqas prevedibbli. Dawn l-aspettattivi s’issa ma ġewx sodisfatti; fil-fatt, il-proċess għall-irkupru minn din il-kriżi bla preċedent s’issa għadu ma jistax jiġi mbassar b’mod affidabbli.

3.6.

Id-domanda għas-servizzi tal-ajru ma tjibitx b’mod sostenibbli mill-implimentazzjoni min-naħa tal-UE tal-eżenzjoni oriġinali tal-COVID-19 f’Marzu 2020. Filwaqt li kien hemm żieda żgħira fit-traffiku matul ix-xhur tas-sajf għal - 51 % meta mqabbel mas-sena ta’ qabel, it-traffiku naqas wara s-sajf tal-2020, hekk kif it-tieni mewġa tal-pandemija laqtet lill-Istati Membri u dawn introduċew miżuri ġodda ta’ lockdown. Fl-14 ta’ Settembru 2020, il-Eurocontrol aġġustat b’mod sinifikanti l-previżjoni tagħha ’l isfel. Madankollu, anke x-xenarju tat-traffiku rivedut qed ikun ottimist wisq. F’Novembru, it-traffiku kien ta’ - 62 % u f’Diċembru kien ta’ - 60 % meta mqabbel mas-sena ta’ qabel meta mqabbel mal-previżjoni tal-Eurocontrol ta’ - 58 % u - 54 % rispettivament. Il-previżjoni tal-Eurocontrol hija ta’ - 60 % u - 50 % f’Jannar u Frar 2021, rispettivament (12).

3.7.

Fid-dawl tat-tixrid kontinwu u ripetut tal-virus u s-severità tal-miżuri meħuda mill-gvernijiet biex irażżnuh, id-domanda għas-servizzi tal-ajru għadha f’livell baxx ħafna, u tkompli tpoġġi s-settur tal-avjazzjoni taħt pressjoni finanzjarja sinifikanti, jekk mhux bl-eżistenza tiegħu mhedda. Fil-fehma tal-KESE, l-eżenzjoni mill-piż tar-regola “tużah jew titilfu” hija għalhekk ġustifikata u meħtieġa.

3.8.

Il-KESE jfaħħar lill-partijiet ikkonċernati – il-linji tal-ajru, l-ajruporti u l-koordinaturi tas-slots – talli ltaqgħu flimkien biex jaslu għal soluzzjoni ta’ kompromess fid-WASB. Il-KESE huwa konxju li r-regolamentazzjoni ġenerali tas-slots hija kwistjoni kontenzjuża għalihom. Fil-fehma tal-KESE, ir-rakkomandazzjoni tad-WASB tindirizza b’mod adegwat l-għanijiet ġenerali u speċifiċi segwiti mill-Kummissjoni kif iddikjarat fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja l-proposta tagħha (13).

3.9.

Il-KESE jappoġġja l-għan ġenerali tal-Kummissjoni li tegħleb ċerti nuqqasijiet u sfidi assoċjati mal-eżenzjoni sħiħa tal-istaġun, tistimula l-konnettività, tħeġġeġ il-kompetizzjoni u tiffaċilita l-eliminazzjoni gradwali tal-eżenzjoni tas-slots. Il-KESE jappoġġja wkoll l-għanijiet speċifiċi tal-Kummissjoni, b’mod partikolari biex jitnaqqsu kemm jista’ jkun l-effetti dannużi fuq l-ambjent ikkawżati mill-operat ta’ titjiriet b’fatturi ta’ tagħbija baxxi ħafna.

3.10.

Fil-proposta tagħha biex jiddaħħal paragrafu 2(a) ġdid fl-Artikolu 10(a), il-Kummissjoni sempliċement tipproponi li, għal serje ta’ slots allokati għall-perjodu mit-28 ta’ Marzu 2021 sat-30 ta’ Ottubru 2021, it-trasportaturi tal-ajru se jkunu intitolati għall-istess serje ta’ slots fil-perjodu ta’ skedar ekwivalenti li jmiss, fejn użaw 40 % tas-slots f’dik is-serje. Dan ifisser li t-trasportaturi se jkollhom joperaw anke titjiriet mhux ekonomiċi b’fatturi ta’ tagħbija estremament baxxi li jilħqu tal-inqas 40 %, minflok ma jkunu jistgħu jirritornaw dawn is-slots mingħajr il-periklu li jitilfuhom. L-għoti ta’ inċentivi lil-linji tal-ajru għat-titjir ta’ inġenji tal-ajru kważi vojta mhuwiex kompatibbli mal-għan iddikjarat tal-Kummissjoni li jitnaqqsu l-effetti dannużi fuq l-ambjent. Dan jista’ jiġi rimedjat jekk il-linji tal-ajru jkunu jistgħu jirritornaw serje sħiħa ta’ slots li għalihom ikunu jafu li d-domanda se tkun baxxa (eż. f’jiem tat-traffiku batut jew f’ħinijiet ta’ traffiku mhux intensiv).

3.11.

Bl-istess mod, il-proposta tal-KE ma tilħaqx l-għan iddikjarat tagħha li tiżgura operazzjonijiet effiċjenti tal-linji tal-ajru u l-użu effiċjenti tal-kapaċità tal-ajruporti. Billi ma jkunx permess ir-ritorn ta’ serje sħiħa ta’ slots, il-linji tal-ajru mhumiex inċentivati biex jirritornaw is-slots kmieni, li jippermetti l-allokazzjoni mill-ġdid ottimizzata tas-slots u l-ippjanar għall-ajruporti, il-linji tal-ajru u l-konsumaturi. Il-kapaċità li jerġgħu jirritornaw lura s-serje sħiħa ta’ slots tippermetti lill-ajruporti jaġġustaw aħjar l-operazzjonijiet tagħhom stess. Fuq kollox, din tagħmel is-slots disponibbli għar-riallokazzjoni u l-użu ad hoc, pereżempju, għal titjiriet tal-merkanzija, skont il-bidliet fid-domanda. Iż-żieda proposta ta’ paragrafu 7 fl-Artikolu 10(a) tar-regolament li jipprevedi skadenza ta’ tliet ġimgħat għar-ritorn ta’ slots ma jistax ikollha effett simili (14). Minflok, hemm il-periklu li limitu aktar baxx waħdu jista’ jwassal għal skedi frammentati b’mod sinifikanti, għad-detriment tal-ftit klijenti li jifdal.

3.12.

Filwaqt li l-KESE jappoġġja l-għanijiet ġenerali tal-Kummissjoni li tippromovi l-konnettività, tħeġġeġ il-kompetizzjoni u tiffaċilita t-tneħħija gradwali mill-eżenzjoni tas-slots, huwa tal-fehma li għandha tinżamm perspettiva fit-tul. Il-konnettività u l-kompetizzjoni (speċjalment ma’ trasportaturi mhux tal-UE) jitwasslu l-aħjar fuq perjodu medju sa twil billi jiġi żgurat li intrapriżi li altrimenti jkunu vijabbli jissopravvivu għall-kriżi attwali mingħajr ma jitilfu l-assi li jirrikjedu ladarba jerġa’ jiżdied it-traffiku. Fl-istess ħin, ir-regolament ma għandux ikun protettiv iżżejjed, sabiex tiġi evitata l-kompjaċenza u tiġi ssalvagwardjata l-kompetizzjoni. Minħabba l-iżvilupp inċert tad-domanda fl-istaġun tas-sajf u t-tbassir tal-Kummissjoni nnifisha ta’ livell ta’ traffiku ta’ 50 % meta mqabbel mal-2019 (15), il-KESE jqis li għadu kmieni wisq biex jiġu applikati mill-ġdid ir-rekwiżiti tal-użu tas-slots skont ir-Regolament dwar is-Slots, saħansitra b’40 %. Fl-istess ħin, it-tkomplija tal-eżenzjoni sħiħa ma tilqax għall-isfidi u ma tilħaqx l-għanijiet stabbiliti b’mod korrett mill-Kummissjoni. Il-KESE jqis li r-rakkomandazzjoni li saret mid-WASB, li tgħaqqad l-effetti tat-taffija ta’ eżenzjoni sħiħa mal-effetti ta’ kontroll ta’ limitu hija bażi solida li minnha jista’ jerġa’ jkun hemm applikazzjoni normali tar-rekwiżiti għall-użu tas-slots.

3.13.

L-att delegat propost fil-paragrafu 4 tal-Artikolu 10(a) għandu jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni mhux biss li temenda l-valuri perċentwali msemmija fil-paragrafu 2(a) tal-Artikolu 10, iżda wkoll li testendi l-għażla li jerġa’ jkun hemm serje sħiħa ta’ slots fil-bidu tal-istaġun rispettiv. Filwaqt li l-proposta tal-Kummissjoni tippermetti eżenzjoni sħiħa mill-użu tas-slots (jiġifieri 0 %), din ma tipprevedix il-possibbiltà li ż-żewġ elementi jingħaqdu flimkien. Dan biss se jikkostitwixxi mekkaniżmu ta’ rispons verament flessibbli.

3.14.

Il-koordinazzjoni tas-slots hija kwistjoni globali. Regolament tal-UE dwar is-slots għandu għalhekk ikun kompatibbli mar-regolamenti ta’ pajjiżi terzi, li ta’ spiss jirrikjedu reċiproċità. B’eżenzjoni sħiħa, din mhijiex kwistjoni, peress li hija l-aktar mezz wiesa’ possibbli biex jittaffew il-kundizzjonijiet għall-użu tas-slots. Bl-istess mod, ir-rakkomandazzjoni tad-WASB x’aktarx li tikseb rikonoxximent globali (16).

3.15.

Il-KESE huwa tal-fehma li, fl-interess tar-reżiljenza u r-regolamentazzjoni intelliġenti, għandha tingħata kunsiderazzjoni lill-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet li jippermettu t-taffija tar-regolamenti dwar l-użu tas-slots skont ir-Regolament (KEE) Nru 95/93, mhux biss għall-każi relatati mal-COVID-19, iżda wkoll għal avvenimenti futuri li għandhom effett sinifikanti fuq l-industrija tal-avjazzjoni. Fis-sitwazzjoni attwali mhuwiex l-ewwel darba li kienu meħtieġa emendi għar-regola dwar l-użu tas-slots fir-Regolament (KEE) Nru 95/93:

fl-2002 wara l-attakki terroristiċi tal-11 ta' Settembru (ir-Regolament (KE) Nru 894/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17));

fl-2003 wara t-tifqigħa tas-SARS (ir-Regolament (KE) Nru 1554/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18));

fl-2009 matul il-kriżi finanzjarja globali (ir-Regolament (KE) Nru 545/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19)).

Arranġamenti bħal dawn għandhom jinvolvu l-kapaċità ta’ rispons rapidu, mingħajr il-ħtieġa ta’ regolamentazzjoni addizzjonali u bil-possibbiltà ta’ rispons flessibbli, li jvarja minn eżenzjonijiet sħaħ u limiti aġġustati għal kombinazzjoni ta’ ritorni u limiti minimi bikrija tas-slots, kif issuġġerit mid-WASB għall-istaġun tas-sajf tal-2021.

3.16.

Il-KESE huwa lest li jikkontribwixxi għal aktar diskussjonijiet dwar kif l-aħjar jiġi stabbilit mill-ġdid settur tal-avjazzjoni Ewropew vijabbli u kompetittiv. Approċċ bħal dan għandu jkun komprensiv u jinkludi diskussjonijiet mal-partijiet ikkonċernati kollha, b’mod partikolari mal-imsieħba soċjali, li qed jiġu affettwati b’mod sever mill-kriżi tal-COVID-19. Approċċ komprensiv ta’ dan it-tip għandu jinkludi r-rieżami ta’ kwalunkwe regolament jew miżura li tpoġġi piż żejjed fuq is-settur tal-avjazzjoni.

Brussell, is-27 ta’ Jannar 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  COM/2020/818 final.

(2)  Rakkomandazzjoni tad-WASB, Airport slot alleviation measures for Northern Summer 2021, https://www.iata.org/contentassets/4820c05b19f148e2855db91f2a579369/wasb-northern-summer-21-recommendation-for-slot-use-relief.pdf

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 tat-18 ta’ Jannar 1993 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Komunità (ĠU L 14, 22.1.1993, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 793/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Komunità (ĠU L 138, 30.4.2004, p. 50).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2020/459 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Marzu 2020 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Komunità (ĠU L 99, 31.3.2020, p. 1).

(6)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1477 tal-14 ta’ Ottubru 2020 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 fir-rigward tal-estensjoni temporanja ta’ miżuri eċċezzjonali biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 338, 15.10.2020, p. 4).

(7)  Rakkomandazzjoni tad-WASB, Airport slot alleviation measures for Northern Summer 2021, https://www.iata.org/contentassets/4820c05b19f148e2855db91f2a579369/wasb-northern-summer-21-recommendation-for-slot-use-relief.pdf

(8)  Il-membru tal-A4E Ryanair ma taqsamx din il-pożizzjoni u se tikkomunika l-fehmiet tagħha b’mod separat.

(9)  Idem.

(10)  Mistoqsijiet u Tweġibiet: It-tilqim kontra l-COVID-19 fl-UE, 21 ta’ Diċembru 2020, https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/qanda_20_2467

(11)  Aviation Round Table Report on the Recovery of European Aviation (Rappart ta’ Diskussjoni Madwar Mejda tal-Avjazzjoni dwar l-Irkupru tal-Avjazzjoni Ewropea), Novembru 2019, https://www.aci-europe.org/downloads/resources/Aviation%20Round%20Table%20DECLARATION%20FINAL%2016.11.2020.pdf

(12)  Eurocontrol, Think Paper #8: What COVID-19 did to European Aviation in 2020, and Outlook 2021 (X’Għamlet il-COVID-19 lill-Avjazzjoni Ewropea fl-2020, u l-Prospettiva għall-2021), l-1 ta’ Jannar 2021. https://www.eurocontrol.int/publication/what-covid19-did-european-aviation-2020-outlook-2021

(13)  SWD/2020/341 final.

(14)  Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni partikolari mhijiex effettiva peress li n-nuqqas ta’ osservanza ma għandu l-ebda konsegwenza. L-allokazzjoni tas-slots matul l-istaġun ta’ wara tiddependi mill-fatt li l-linji tal-ajru jilħqu l-limitu, irrispettivament minn jekk dawn jirritornawx slots matul il-perjodu ta’ tliet ġimgħat jew le.

(15)  Ara n-nota 7 f’qiegħ il-paġna, premessa 11.

(16)  Fiż-żmien ta’ dan ir-rapport, New Zealand, il-Malasja u l-Kanada (Vancouver) diġà adottaw il-proposta tad-WASB għas-sajf tal-2021. Il-Brażil tawwal l-Eżenzjoni eżistenti tas-Slots tax-Xitwa 2020/2021. Fl-Istati Uniti, l-FAA nediet konsultazzjoni dwar dawn iż-żewġ għażliet (biss): estensjoni tal-eżenzjoni (sħiħa) eżistenti u l-proposta tad-WASB.

(17)  ĠU L 142, 31.5.2002, p. 3.

(18)  ĠU L 221, 4.9.2003, p. 1.

(19)  ĠU L 167, 29.6.2009, p. 24.


9.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/42


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Approċċ ġdid tal-istrateġija marittima għall-Atlantiku — Pjan ta’ azzjoni għall-Atlantiku 2.0 — Pjan ta’ azzjoni għal ekonomija blu sostenibbli, reżiljenti u kompetittiva fiż-żona tal-Atlantiku tal-Unjoni Ewropea”

[COM(2020) 329]

(2021/C 123/08)

Relatur:

Carlos Manuel TRINDADE

Konsultazzjoni

Kummissjoni, 23.9.2020

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

11.1.2021

Adottata fil-plenarja

27.1.2021

Sessjoni plenarja Nru

557

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

257/0/7

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE japprova l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li ż-żona marittima tal-Atlantiku taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri tal-UE hija fattur ewlieni fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta’ dawn l-istati, iżda wkoll tal-UE kollha kemm hi. Skont l-aħħar data disponibbli, stipulata fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, fl-2017, l-ekonomija blu tal-Atlantiku ġġenerat EUR 73,4 biljun f’valur miżjud gross u 1,29 miljun impjieg (1).

1.2

Il-KESE jenfasizza wkoll li, fir-rigward tas-sostenibbiltà ambjentali, jiġi rikonoxxut fil-livell tal-UE u tan-NU r-rwol kruċjali tal-oċean fid-dekarbonizzazzjoni, il-produzzjoni tal-ossiġenu, l-ikel tal-bniedem u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-aċidifikazzjoni.

1.3

Fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19, ġiet rikonoxxuta l-importanza akbar tal-ekonomija blu biex tingħata spinta lill-irkupru Ewropew u jiġu protetti u jinħolqu l-impjiegi.

1.4

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-ħolqien ta’ dan il-pjan ta’ azzjoni għall-Atlantiku 2.0 fid-dawl tal-kontribut tiegħu għall-irkupru ekonomiku, iż-żamma u l-ħolqien tal-impjiegi, u peress li fl-istess ħin itejjeb il-preservazzjoni tal-ekosistemi kostali u tal-baħar u jikkontribwixxi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih.

1.5

Ir-rabta ta’ dan il-pjan ta’ azzjoni 2.0 mal-prinċipji tal-Patt Ekoloġiku Ewropew tenfasizza r-rwol ċentrali tal-ekonomija blu biex jintlaħqu l-objettivi tas-sostenibbiltà.

1.6

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ukoll l-approċċ tal-Kummissjoni Ewropea għall-Atlantiku: ir-rwol tal-portijiet fl-iżvilupp sostenibbli tat-turiżmu kostali, l-akkwakultura, il-bini tal-bastimenti, l-enerġiji rinnovabbli mill-oċeani u l-innovazzjoni; l-iżvilupp ta’ ħiliet blu bħala riżultat ta’ impenn għal għarfien ta’ kwalità tajba dwar l-oċeani; ir-rwol tal-enerġija rinnovabbli tal-baħar bħala mezz għat-tranżizzjoni enerġetika; u l-impenn favur oċeani b’saħħithom u żoni kostali reżiljenti.

1.7

Madankollu, il-KESE jipproponi viżjoni aktar komprensiva, li tippermetti proġetti li jagħmlu possibbli l-interazzjoni naturali bejn iż-żoni li jikkorrispondu għall-pilastri differenti.

1.8

Il-KESE jirrakkomanda wkoll li ssir enfasi fuq l-ippjanar u l-ġestjoni tal-ispazju marittimu, peress li mingħajr spazju marittimu ppjanat kif imiss ser ikun diffiċli li jiġi żgurat l-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija blu, kemm mil-lat ambjentali kif ukoll mil-lat tal-investiment fil-proġetti. Il-KESE huwa tal-fehma li l-ippjanar adatt tal-ispazju marittimu jippromovi t-tkabbir sostenibbli tal-ekonomiji marittimi u l-użu tar-riżorsi tal-baħar permezz ta’ ġestjoni aħjar tal-kunflitti bejn l-attivitajiet, u sinerġija akbar bejn l-attivitajiet marittimi differenti, f’konformità mar-riżoluzzjoni adottata mill-Parlament Ewropew fil-15 ta’ Jannar 2020 dwar l-għoti ta’ dimensjoni blu lill-Patt Ekoloġiku Ewropew.

1.9

Il-KESE jemmen li l-pjan ta’ azzjoni għandu jistabbilixxi l-linji gwida ġenerali għas-sħubijiet f’kuntest trans-Atlantiku, peress li l-baċir tal-Atlantiku għandu diversi xtut u l-oċean m’għandux fruntieri, għalkemm huwa mifhum li l-iżvilupp tal-ekonomija blu huwa maħsub biex jippromovi proġetti fl-ispazju marittimu taħt is-sovranità tal-istati kostali tal-UE.

1.10

Il-KESE jinnota b’dispjaċir in-nuqqas ta’ objettivi u miżuri fil-qasam tas-sajd u t-turiżmu u jirrakkomanda li l-Kummissjoni tagħti aktar importanza lil dawn l-attivitajiet.

1.11

Il-KESE jqis daqstant negattiv il-fatt li l-Kummissjoni ma ddefinixxietx miżuri u objettivi speċifiċi għaż-żoni arċipelaġiċi, peress li dawn huma reġjuni ultraperiferiċi fejn l-ekonomija tal-baħar hija saħansitra aktar importanti mill-bqija taż-żona tal-Atlantiku, u għalhekk jirrakkomanda li l-Kummissjoni tinkludihom fil-pjan.

1.12

Fir-rigward tas-sħubijiet bejn l-Istati Membri u pajjiżi mhux tal-UE, il-KESE jemmen li l-għanijiet u r-regoli għandhom jiġu definiti b’mod ċar. Il-KESE jemmen li, minbarra r-regoli bejn l-Istati Membri, għandha ssir enfasi partikolari fuq il-qafas tas-sħubijiet ma’ pajjiżi terzi Ewropej, ir-Renju Unit, in-Norveġja u l-Iżlanda. Huwa jqis li, b’mod partikolari fil-każ tar-Renju Unit, għandha tingħata attenzjoni partikolari lil miżuri li jevitaw it-telf tal-informazzjoni jew li jdgħajfu l-kooperazzjoni.

1.13

Il-KESE jemmen li f’dokument strateġiku bħall-Istrateġija Marittima għaż-Żona tal-Oċean Atlantiku, fir-rigward tal-finanzjament, minbarra li sempliċement jiġu elenkati s-sorsi ta’ finanzjament, għandhom jiġu stabbiliti wkoll il-linji gwida ġenerali għall-approvazzjoni tal-proġetti.

1.14

Il-KESE jipproponi li l-innovazzjoni, ir-riċerka xjentifika, is-sostenibbiltà ekoloġika, il-kontribut għall-iżvilupp soċjali u l-lokalizzazzjoni fi ħdan spazju marittimu ppjanat kif imiss għandhom ikunu xi wħud mit-termini ta’ referenza għad-deċiżjonijiet rigward finanzjament, skont matriċi b’indikaturi definiti sew.

1.15

Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa l-ħolqien ta’ linja ta’ finanzjament speċifika għal proġetti żviluppati taħt il-pjan ta’ azzjoni 2.0, kif inhu l-każ għal setturi oħra ta’ attività li jibbenefikaw minn finanzjament pubbliku Ewropew. Inkella, hemm ir-riskju li dawn jiġu mġiegħla japplikaw għal skemi ta’ finanzjament fejn ma jkunux fil-qalba tal-programmi.

1.16

Il-KESE jemmen li jekk jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet f’din l-Opinjoni, dwar l-evalwazzjoni u l-finanzjament tal-proġetti u s-superviżjoni u l-monitoraġġ tagħhom, dan jikkontribwixxi biex jiżdiedu l-kwalità u l-iskala tar-riżultati soċjali, ekonomiċi u ambjentali li għandhom jinkisbu permezz tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni għall-Atlantiku 2.0.

1.17

Fl-aħħar nett, il-KESE jemmen li r-rakkomandazzjonijiet li saru f’Opinjonijiet preċedenti tal-KESE jżidu l-possibbiltajiet ta’ suċċess fl-implimentazzjoni tal-pjan, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħolqien tal-makroreġjun tal-Atlantiku u l-irkupru tal-Forum Atlantiku.

2.   Sfond

2.1

L-Istrateġija Marittima għaż-Zona tal-Oċean Atlantiku (2) ġiet adottata fl-2011 bil-għan li tappoġġja l-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija blu fl-Istati Membri tal-UE li jmissu mal-Oċean Atlantiku u, bil-ħsieb tal-implimentazzjoni tagħha, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat Pjan ta’ Azzjoni għall-Atlantiku fl-2013 (3).

2.2

Il-KESE analizza kull wieħed minn dawn l-istrumenti u ħareġ żewġ Opinjonijiet b’konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet rilevanti dwar il-kwistjoni (4), li wħud minnhom huma ta’ importanza strateġika għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali tal-Ewropa, bħall-ħolqien potenzjali tal-makroreġjun tal-Atlantiku, abbażi tal-eżempju tar-reġjuni tal-Baħar Baltiku u tad-Danubju, li għadhom attwali u rilevanti.

2.3

Minn dak iż-żmien ’l hawn, ġew definiti għadd ta’ strateġiji settorjali li influwenzaw il-kapaċità li jintlaħqu l-għanijiet tal-istrateġija marittima għall-Atlantiku, filwaqt li jtejbu l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni għall-Atlantiku: il-Patt Ekoloġiku Ewropew (5) adottat mill-Kummissjoni Ewropea f’Diċembru 2019; l-Istrateġija l-ġdida tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 (6); u l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” (7), fost l-oħrajn.

2.4

Fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi u sabiex tirreaġixxi għall-kriżi soċjoekonomika mingħajr preċedent ikkawżata mill-pandemija tal-COVID-19, il-Kummissjoni Ewropea hija tal-fehma li jeħtieġ li jiġu aġġornati l-prijoritajiet tal-kooperazzjoni reġjonali u jingħata impetu ġdid lil ekonomija marittima sostenibbli li tkun kapaċi toħloq l-impjiegi.

2.5

Għal dan il-għan ukoll, il-Kummissjoni Ewropea adottat miżuri biex tissewwa l-ħsara soċjali u ekonomika u biex tagħti spinta lill-irkupru Ewropew u tipproteġi u toħloq l-impjiegi, u ressqet strument ġdid ta’ rkupru msejjaħ Next Generation EU (8).

2.6

Il-KESE jenfasizza li l-isforzi tal-UE jiffukaw fuq il-kunċett tas-sostenibbiltà, bil-għan li l-Ewropa ssir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima sal-2050.

2.7

L-istrateġiji settorjali l-ġodda jenfasizzaw ir-rwol ċentrali tal-ekonomija blu bħala xprun ewlieni għall-iżvilupp sostenibbli tal-UE u tal-pjaneta, u biex jittaffew l-effetti tat-tibdil fil-klima.

2.8

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tippreżenta “approċċ ġdid tal-istrateġija marittima għall-Atlantiku – Pjan ta’ azzjoni għall-Atlantiku 2.0”, li jirrappreżenta “pjan ta’ azzjoni aġġornat għal ekonomija blu sostenibbli, reżiljenti u kompetittiva fiż-żona tal-Atlantiku tal-Unjoni Ewropea” (9) (10).

2.9

Il-Kummissjoni tirrapporta li dan il-pjan ta’ azzjoni rivedut huwa bbażat fuq evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu (11) tal-pjan preċedenti u fuq konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati u l-Istati Membri fir-reġjun tal-Atlantiku. Din l-evalwazzjoni sabet li l-pjan preċedenti ħoloq aktar minn 1 200 proġett marittimu u madwar EUR 6 miljun f’investimenti, prinċipalment mill-baġit tal-UE.

2.10

Il-KESE jinnota b’interess li waħda mill-konklużjonijiet ta’ din l-evalwazzjoni kienet “il-bżonn għal titjib fir-rigward tal-lenti tematika tal-pjan, l-istruttura governattiva u l-introduzzjoni ta’ qafas ta’ monitoraġġ” (12), li kienu rakkomandazzjonijiet tal-Opinjonijiet tal-KESE msemmija hawn fuq.

3.   Approċċ ġdid tal-istrateġija marittima għall-Atlantiku – Pjan ta’ azzjoni għall-Atlantiku 2.0

3.1

Il-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi bħala l-għan ewlieni tal-pjan ta’ azzjoni għall-Atlantiku 2.0 it-tkabbir u t-twettiq tal-potenzjal tal-ekonomija blu fir-reġjun tal-Atlantiku, b’potenzjal għoli ta’ ħolqien ta’ impjiegi fil-komunitajiet kostali u, fl-istess ħin, il-preservazzjoni tal-ekosistemi tal-baħar, u tikkontribwixxi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, f’konformità mal-impenji globali dwar l-iżvilupp sostenibbli u l-prijoritajiet politiċi għall-perjodu 2019-2024, inkluż il-Patt Ekoloġiku Ewropew.

3.2

Il-pjan ta’ azzjoni 2.0 ġie organizzat f’erba’ pilastri tematiċi, bil-għan li jintlaħqu seba’ għanijiet permezz ta’ azzjonijiet konkreti li jimmobilizzaw il-partijiet interessati kollha tal-Atlantiku.

3.3

Il-Pilastru I huwa bbażat fuq il-promozzjoni tal-portijiet tal-Atlantiku bħala punti ta’ dħul u ċentri tal-ekonomija blu.

3.3.1

F’dan il-pilastru jiġi preżunt li l-portijiet u l-operaturi tagħhom għandhom rwol importanti fl-iżvilupp sostenibbli tal-attivitajiet ewlenin tal-ekonomija blu: it-turiżmu kostali, l-akkwakultura, il-bini tal-bastimenti u attivitajiet emerġenti bħall-enerġija rinnovabbli mill-oċeani jistgħu jaġixxu bħala xpruni għall-innovazzjoni f’dawn l-attivitajiet u f’attivitajiet blu oħra.

3.3.2

Huwa mistenni li l-portijiet, li jinteraġixxu ma’ xulxin, se jkunu jistgħu jimmobilizzaw il-finanzjament għal infrastruttura intelliġenti u jikkontribwixxu għad-dekarbonizzazzjoni tas-sorsi marittimi.

3.3.3

Il-pjan jistipula li, permezz tal-azzjonijiet konkreti deskritti, għandhom jintlaħqu żewġ għanijiet speċifiċi: “il-portijiet bħala portali għall-kummerċ fl-Atlantiku” u “il-portijiet bħala katalisti għan-negozju”.

3.4

Il-Pilastru II jiffoka fuq il-ħolqien ta’ sensiela adatta ta’ ħiliet blu li jkunu validi fil-futur u l-għarfien dwar l-oċeani bħala mod kif jiġi attirat talent żagħżugħ lejn l-ekonomija blu u tiżdied ukoll il-kompetittività.

3.4.1

Fil-qalba ta’ dan il-pilastru hemm il-ħtieġa li jinħolqu ġenerazzjonijiet aktar kwalifikati u infurmati aħjar.

3.4.2

Għal dan il-għan, il-pjan ta’ azzjoni 2.0 jistabbilixxi bħala għanijiet speċifiċi għal dan il-pilastru “edukazzjoni, taħriġ u tagħlim ta’ kwalità tul il-ħajja” kif ukoll il-konsolidazzjoni tal-“għarfien dwar l-oċeani”.

3.5

Il-Pilastru III jiffoka fuq l-enerġija rinnovabbli mill-baħar bħala elementi ċentrali għat-tranżizzjoni għal ekonomija newtrali għall-klima.

3.5.1

Il-Komunikazzjoni tgħid li r-reġjun tal-Atlantiku tal-UE jinsab fuq quddiem nett fl-iżvilupp u l-ittestjar ta’ sorsi ġodda ta’ enerġija tal-baħar rinnovabbli u li “[s]abiex jintlaħaq il-pass li jmiss ta’ żvilupp, jiġifieri l-maturità kummerċjali ta’ prototipi ta’ suċċess, huwa essenzjali li tinżamm it-tmexxija teknoloġika, jinżamm it-talent u tiġi pprovduta enerġija nadifa affordabbli filwaqt li jitqiesu l-impatti potenzjali fuq l-ambjent tal-baħar u l-mod kif dawn jittaffew”.

3.5.2

Il-pjan ta’ azzjoni 2.0 jistipula li, permezz tal-azzjonijiet konkreti stabbiliti, għandu jintlaħaq għan speċifiku: “[i]l-promozzjoni tan-newtralità tal-karbonju permezz tal-enerġija rinnovabbli mill-baħar”.

3.6

Il-Pilastru IV jiffoka fuq oċeani b’saħħithom u żoni kostali reżiljenti.

3.6.1

Il-kosta tal-Atlantiku tal-UE hija vulnerabbli, meta jitqies l-għadd kbir ta’ attivitajiet tal-bniedem f’din iż-żona.

3.6.2

Dan huwa aggravat mill-effetti negattivi ta’ maltempati severi, għargħar, erożjoni u livelli tal-baħar li dejjem jogħlew b’pass mgħaġġel, li għandhom it-tendenza li jmorru għall-agħar minħabba t-tibdil fil-klima li jikkawża żieda f’avvenimenti estremi tat-temp.

3.6.3

L-istorbju u t-tniġġis tal-baħar, inkluż il-plastik, jilħqu livelli għoljin ħafna, u b’hekk jikkompromettu l-kapital naturali u l-attivitajiet ekonomiċi.

3.6.4

Il-pjan ta’ azzjoni jidentifika l-ħtieġa għal miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji tat-tibdil fil-klima u miżuri ta’ adattament għalih, kif ukoll appoġġ għall-ekonomija ċirkolari, it-tniġġis żero, l-effiċjenza enerġetika u l-preservazzjoni tal-bijodiversità, bħala prinċipji gwida għall-iżvilupp u l-impjieg.

3.6.5

Biex jiġi segwit dan l-approċċ, il-pjan ta’ azzjoni 2.0 jistabbilixxi bħala l-għanijiet speċifiċi ta’ dan il-pilastru l-ħolqien ta’ “reżiljenza kostali aktar b’saħħitha” u “l-ġlieda kontra t-tniġġis tal-baħar”.

3.7

Fir-rigward tal-governanza tal-pjan ta’ azzjoni, ġew stabbiliti miżuri għall-governanza, l-implimentazzjoni u r-rappurtar, u mezzi għall-mobilizzazzjoni tal-fondi u l-finanzjament.

3.7.1

Fir-rigward tal-koordinazzjoni, hemm żewġ livelli: il-koordinazzjoni tal-politika, li hija r-responsabbiltà tal-ministri maħtura responsabbli għall-affarijiet marittimi tal-Istati Membri fir-reġjun tal-Atlantiku, u l-koordinazzjoni reġjonali, li titwettaq mill-Kumitat tal-Istrateġija għar-reġjun tal-Atlantiku, li jista’ jospita rappreżentanti tar-reġjuni kostali jew reġjuni oħra.

3.7.2

Fir-rigward tal-implimentazzjoni u r-rappurtar, ġew stabbiliti regoli biex jiġu ċċarati l-proċeduri.

3.7.2.1

Ġiet stabbilita sensiela ta’ prerekwiżiti għall-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni u għall-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ u l-għoti ta’ informazzjoni, kemm għall-partijiet interessati pubbliċi kif ukoll għal dawk privati, u ġiet enfasizzata r-responsabbiltà kondiviża tal-UE u l-Istati Membri involuti.

3.7.2.2

Il-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni għandu l-għan li jissorvelja u jivvaluta sa liema punt intlaħqu l-għanijiet tal-pjan ta’ azzjoni, u b’riżultat ta’ dan isiru emendi futuri għall-pjan ta’ azzjoni.

3.7.3

Fir-rigward tal-mobilizzazzjoni tal-fondi u l-finanzjament, saru għadd ta’ osservazzjonijiet li għandhom jiġu enfasizzati.

3.7.3.1

Ġie enfasizzat li l-baġit tal-UE ma ppreveda l-ebda allokazzjoni għal kwalunkwe ammont għall-pjan ta’ azzjoni għall-Atlantiku, iżda jiddependi prinċipalment mill-fondi u l-istrumenti finanzjarji li jistgħu jiġu mobilizzati fil-livell nazzjonali u tal-UE.

3.7.3.2

Ġew elenkati l-fondi, il-programmi u l-mekkaniżmi li jistgħu jintużaw mill-Istati Membri tal-UE u r-reġjuni kostali.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea li tressaq pjan ta’ azzjoni aġġornat għar-reġjun tal-Atlantiku, li jinkorpora d-diversi strateġiji settorjali Ewropej li ġew adottati dan l-aħħar

4.2

Il-KESE japprova l-fatt li l-Kummissjoni inkorporat f’dan il-pjan rivedut il-kummenti u r-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-KESE fl-Opinjonijiet tiegħu dwar l-istrateġija marittima għall-Atlantiku u l-pjan ta’ azzjoni preċedenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-orjentazzjoni tematika, l-istruttura ta’ governanza u l-qafas ta’ monitoraġġ.

4.3

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-approċċ aktar strutturat tal-pjan ta’ azzjoni 2.0, li jsegwi, bħala riżultat tal-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu u tal-konsultazzjonijiet minn isfel għal fuq, approċċ tematiku biex jiġu identifikati l-azzjonijiet li għandhom jiġu implimentati.

4.4

Il-KESE jenfasizza l-mod li bih l-oqsma tematiċi ġew allinjati mal-għanijiet Ewropej tas-sostenibbiltà fir-rigward tal-iżvilupp tal-attivitajiet tal-ekonomija blu, il-ħolqien ta’ impjiegi b’ħiliet speċjalizzati u l-għarfien dwar l-oċeani, il-promozzjoni tad-dekarbonizzazzjoni u t-tranżizzjoni għal enerġija nadifa u l-irkupru u l-protezzjoni tal-kapital naturali u l-ekosistemi kostali.

4.5

Fir-rigward tal-ħolqien ta’ ħiliet blu, il-KESE jirrakkomanda li jiġu stabbiliti miżuri li jtejbu l-użu tal-esperjenza professjonali meta jiġu definiti programmi ta’ taħriġ għall-professjonijiet marittimi.

4.6

Madankollu, il-KESE jinnota b’dispjaċir in-nuqqas ta’ objettivi u miżuri għas-sajd u t-turiżmu, peress li dawn huma l-aktar żewġ attivitajiet importanti tal-ekonomija blu f’termini tal-kontribut għall-valur miżjud gross u l-ħolqien tal-impjiegi, kif ukoll f’termini tal-impatt fuq l-ekosistema tal-baħar, fiż-żoni koperti direttament miż-żona tal-Atlantiku, u jirrakkomanda li l-pjan tal-Kummissjoni għandu jagħti aktar importanza lil dawn l-attivitajiet sabiex jiġi indirizzat dan id-distakk.

4.7

Il-KESE jqis daqstant negattiv il-fatt li l-Kummissjoni ma ddefinixxietx miżuri u objettivi speċifiċi għaż-żoni arċipelaġiċi, peress li dawn huma reġjuni ultraperiferiċi fejn l-ekonomija tal-baħar hija saħansitra aktar importanti mill-bqija taż-żona tal-Atlantiku, u għalhekk jirrakkomanda li l-Kummissjoni tinkludihom fil-pjan.

4.8

Il-KESE jenfasizza ż-żieda fil-kwalità u t-trasparenza li tirriżulta mill-introduzzjoni ta’ qafas ta’ monitoraġġ li se jagħmilha possibbli li jiġu aġġustati l-bidliet futuri fil-pjan fid-dawl tal-implimentazzjoni attwali tiegħu u sa liema punt ikunu ntlaħqu l-għanijiet.

4.9

Il-KESE jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma aċċettatx ir-rakkomandazzjonijiet tal-Opinjonijiet preċedenti tal-KESE dwar l-iżvilupp ta’ makroreġjun tal-Atlantiku, abbażi tal-eżempju ta’ dawk eżistenti fid-Danubju u l-Baħar Baltiku, jew biex jinżamm il-Forum tal-Atlantiku.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1

Fil-fehma tal-KESE, jeħtieġ li tiġi analizzata l-konformità tal-pjan ta’ azzjoni 2.0 mal-politika marittima integrata (PMI) tal-UE (13).

5.2

Il-PMI hija qafas ta’ politika għall-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli tal-attivitajiet marittimi u tar-reġjuni kostali kollha billi ttejjeb il-koordinazzjoni tal-politiki dwar l-oċeani, l-ibħra, il-gżejjer, ir-reġjuni kostali u ultraperiferiċi u s-setturi marittimi, u billi tiżviluppa strumenti trasversali.

5.3

L-għanijiet ewlenin u l-oqsma ta’ azzjoni korrispondenti tal-PMI huma: it-tisħiħ tal-użu sostenibbli tal-ibħra u l-oċeani; il-ħolqien ta’ bażi ta’ għarfien u innovazzjoni għall-politika marittima; it-titjib tal-kwalità tal-ħajja fir-reġjuni kostali; il-promozzjoni tat-tmexxija tal-UE fl-affarijiet marittimi internazzjonali permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa fil-governanza internazzjonali tal-oċeani u, fil-livell Ewropew, permezz tal-Politika Ewropea tal-Viċinat; u ż-żieda fil-viżibbiltà tal-Ewropa marittima.

5.4

Il-PMI tkopri l-oqsma ta’ politika konverġenti li ġejjin: it-tkabbir blu (14); id-data u l-għarfien dwar il-baħar (15); l-ippjanar tal-ispazju marittimu; u s-sorveljanza marittima integrata.

5.5

Il-KESE jirrakkomanda li l-informazzjoni, id-data u l-għarfien prodotti f’dan il-kuntest ikunu aċċessibbli liberament u mingħajr ħlas għall-organizzazzjonijiet, il-komunitajiet fl-oqsma tax-xjenza u tal-edukazzjoni, kif ukoll għall-proġetti relatati mal-baħar, u għandhom dejjem jiġu rrispettati l-kriterji ta’ kunfidenzjalità jew ta’ riżerva, fejn meħtieġ. F’dan il-kuntest, il-KESE jirrakkomanda koordinazzjoni aħjar bejn il-korpi ta’ sorveljanza differenti fiż-żona tal-Atlantiku bil-għan li jiġu stabbiliti bażijiet tad-data effiċjenti, aċċessibbli u interoperabbli.

5.6

Il-KESE jemmen li dokument strateġiku bħall-istrateġija għall-Atlantiku għandu jkun ċar u konċiż fir-rigward tal-għanijiet u l-mod li bih jipproponi li dawn jintlaħqu. Għal dan il-għan, il-KESE jirrakkomanda li d-dokument jiġi żviluppat iżjed fil-fond fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jidhru kruċjali għal dokument strateġiku bħal dan.

5.7

Il-KESE jemmen li l-pjan ta’ azzjoni 2.0 jagħti attenzjoni u valur qawwija lill-ekonomija blu u lill-għarfien, u din hija xi ħaġa pożittiva. Madankollu, huwa rrakkomandat li tingħata attenzjoni adegwata lill-importanza tal-ippjanar u l-ġestjoni tal-ispazju marittimu u s-sħubijiet internazzjonali.

5.8

Fir-rigward tal-ippjanar u l-ġestjoni tal-ispazju marittimu, iż-żieda tal-impatt tal-bniedem fuq l-oċeani, flimkien mat-tkabbir rapidu fid-domanda u l-kompetizzjoni marbutin mal-ispazju marittimu għal skopijiet differenti bħall-attivitajiet tas-sajd, l-installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta u l-konservazzjoni tal-ekosistemi, enfasizzaw il-ħtieġa urġenti għal ġestjoni integrata tal-oċeani u l-istabbiliment ta’ qafas għall-ippjanar tal-ispazju marittimu (16).

5.8.1

Il-KESE huwa tal-fehma li l-ippjanar adatt tal-ispazju marittimu jippromovi t-tkabbir sostenibbli tal-ekonomiji marittimi u l-użu tar-riżorsi tal-baħar permezz ta’ ġestjoni aħjar tal-kunflitti u sinerġija akbar bejn l-attivitajiet marittimi differenti, f’konformità mar-riżoluzzjoni adottata mill-Parlament Ewropew fil-15 ta’ Jannar 2020 dwar l-għoti ta’ dimensjoni blu lill-Patt Ekoloġiku Ewropew.

5.8.2

Il-ħolqien ta’ qafas Ewropew komuni għall-ippjanar tal-ispazju marittimu għandu diversi benefiċċji: jiffaċilita t-tnaqqis tal-kunflitti bejn is-setturi u joħloq sinerġiji bejn l-attivitajiet differenti; jinkoraġġixxi l-investiment billi joħloq prevedibbiltà, trasparenza u regoli ċari; itejjeb il-kooperazzjoni transfruntiera bejn l-Istati Membri biex jiġu żviluppati networks u ġjattaformi għall-produzzjoni tal-enerġija, rotot tal-baħar, pipelines, kejbils sottomarini u attivitajiet oħra, iżda wkoll biex jiġu żviluppati networks koerenti ta’ żoni protetti; u jipproteġi l-ambjent permezz tal-identifikazzjoni bikrija tal-impatt u l-opportunitajiet għall-użu multiplu tal-ispazju.

5.8.3

Il-promozzjoni tad-definizzjoni tal-pjani tal-spazju marittimu, it-titjib tal-ippjanar tal-ispazju marittimu, li tiġi rispettata l-iskadenza tal-2021 għall-istabbiliment tagħhom, kif ukoll il-koordinazzjoni tagħhom bejn l-Istati Membri differenti, jikkontribwixxu għall-għanijiet kollha ta’ sostenibbiltà ambjentali, soċjali u ekonomika tal-istrateġija għall-Atlantiku u l-PMI.

5.8.4

Għal dan il-għan, il-KESE jemmen li l-pjan ta’ azzjoni 2.0 tal-istrateġija marittima għall-Atlantiku għandu jinternalizza din il-kwistjoni li mingħajrha huwa diffiċli li jiġi żgurat l-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija blu, kemm mil-lat ambjentali u soċjali kif ukoll mil-lat tal-investiment fil-proġetti.

5.8.5

Il-KESE jirrakkomanda li l-pjan ta’ azzjoni 2.0 jagħmel enfasi akbar fuq l-importanza tal-ippjanar tal-ispazju marittimu għall-iżvilupp tal-ekonomija blu, b’mod partikolari fir-rigward tal-pilastri I, II u IV.

5.8.6

Il-KESE jirrakkomanda wkoll li l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ppjanati jitwettqu fil-kuntest tal-ippjanar tal-ispazju marittimu, f’konformità mal-indikaturi rilevanti u, mil-lat tal-aċċess għall-finanzjament, għandu jiġi stabbilit bħala prerekwiżit li tingħata prijorità lil proġetti li jinsabu fi spazju marittimu ppjanat kif imiss.

5.9

Fir-rigward tas-sħubijiet bejn l-Istati Membri u pajjiżi mhux tal-UE, il-KESE jemmen li l-għanijiet u r-regoli għandhom jiġu definiti b’mod ċar.

5.9.1

Il-baċir tal-Atlantiku għandu diversi xtut u l-oċean m’għandux fruntieri u l-KESE għalhekk jemmen li s-sħubijiet soċjali, ambjentali u ekonomiċi, kif ukoll l-innovazzjoni u r-riċerka xjentifika, għandhom jiġu kkunsidrati fil-qafas tal-erba’ pilastri tal-pjan ta’ azzjoni 2.0.

5.9.2

Il-KESE jemmen li, minbarra r-regoli bejn l-Istati Membri, għandha ssir enfasi partikolari fuq il-qafas tas-sħubijiet ma’ pajjiżi terzi Ewropej, ir-Renju Unit, in-Norveġja u l-Iżlanda. Huwa jqis li, b’mod partikolari fil-każ tar-Renju Unit, għandha tingħata attenzjoni partikolari lil miżuri li jevitaw it-telf tal-informazzjoni jew li jdgħajfu l-kooperazzjoni.

5.9.3

Il-KESE jirrakkomanda li, filwaqt li huwa mifhum li l-iżvilupp tal-ekonomija blu huwa maħsub biex jippromovi proġetti fl-ispazju marittimu taħt is-sovranità tal-istati kostali tal-UE, il-pjan ta’ azzjoni tal-istrateġija marittima għall-Atlantiku jinkludi d-definizzjoni ta’ linji gwida ġenerali għas-sħubijiet trans-Atlantiċi, kemm għall-istabbiliment ta’ sħubijiet mal-istati kostali fuq ix-xtut tal-Atlantiku tal-Amerka kif ukoll mal-pajjiżi Afrikani (17).

5.10

Barra minn hekk, fir-rigward tal-mobilizzazzjoni tal-fondi u l-finanzjament, il-KESE jirrakkomanda li l-pjan ta’ azzjoni 2.0 jispjega b’mod ċar u mingħajr ambigwità s-sorsi ta’ finanzjament, ir-regoli għall-allokazzjoni tal-fondi u kif il-prestazzjoni tal-proġetti tista’ tiġi ssorveljata u evalwata.

5.10.1

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li, kif jissemma fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, l-implimentazzjoni b’suċċess tal-azzjonijiet identifikati fil-pjan ta’ azzjoni ser tirrikjedi taħlita ta’ investiment pubbliku mill-baġits nazzjonali u tal-UE u fondi privati.

5.10.2

Għal dan il-għan, tiġi pprovduta lista tal-fondi u l-programmi disponibbli għall-Istati Membri u r-reġjuni kostali tagħhom. Il-KESE jirrakkomanda li din il-lista ssir eżawrjenti billi jiġu inkorporati mekkaniżmi oħra ta’ finanzjament, bħall-mekkaniżmu ta’ għotjiet taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) (18), li huwa partikolarment utli fi sħubijiet futuri ma’ pajjiżi terzi fl-Ewropa.

5.10.3

Il-KESE jemmen li dokument strateġiku bħall-istrateġija marittima għall-Atlantiku, minbarra li sempliċement jelenka s-sorsi ta’ finanzjament, għandu jindika wkoll b’mod ġenerali kif jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar liema proġetti jiġu approvati.

5.10.4

Il-KESE jirrakkomanda l-istabbiliment ta’ sistema ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni b’indikaturi definiti sew, li jqisu b’mod espliċitu l-innovazzjoni, ir-riċerka xjentifika, is-sostenibbiltà ekoloġika, il-kontribut għall-iżvilupp soċjali u l-integrazzjoni fi spazju marittimu ppjanat, li ser iservi bħala punt ta’ referenza għad-deċiżjonijiet ta’ finanzjament.

5.10.5

Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa l-ħolqien ta’ linja ta’ finanzjament speċifika, bħalma jiġri fil-każ ta’ baċiri Ewropej oħra u setturi oħra ta’ attività li jibbenefikaw minn finanzjament pubbliku Ewropew. Fil-fatt, l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni għall-Atlantiku mhijiex l-għan ewlieni ta’ kwalunkwe wieħed mill-fondi u l-programmi elenkati, u dan idgħajjef il-kapaċità tagħhom li jagħtu riżultati.

Brussell, is-27 ta’ Jannar 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Id-dewmien fl-istatistika jagħmilha diffiċli li jiġu definiti politiki Ewropej adattati għaċ-ċirkustanzi tal-Istati Membri u jippreġudikaw il-monitoraġġ tagħhom. Il-KESE jemmen li għandu jsir impenn qawwi f’dan il-qasam.

(2)  COM(2011) 782 final, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/ALL/?uri=CELEX:52011DC0782

(3)  COM(2013) 279 final, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1395674057421&uri=CELEX:52013DC0279

(4)  Opinjoni tal-KESE dwar “Niżviluppaw Strateġija Marittima għaż-Żona tal-Oċean Atlantiku” (ĠU C 229, 31.7.2012, p. 24) u l-Opinjoni tal-KESE dwar “Il-Pjan ta’ Azzjoni għal Strateġija Marittima fiż-żona tal-Atlantiku” (ĠU C 341, 21.11.2013, p. 77).

(5)  COM(2019) 640 final.

(6)  COM(2020) 380 final.

(7)  COM(2020) 381 final.

(8)  COM(2020) 456 final.

(9)  COM(2020) 329 final.

(10)  SWD(2020) 140 final [mhux disponibbli bil-Malti].

(11)  SWD (2018) 49 final, https://ec.europa.eu/maritimeaffairs/sites/maritimeaffairs/files/swd-2018-49_en.pdf (mhux disponibbli bil-Malti).

(12)  Ibidem.

(13)  COM(2007) 575.

(14)  COM(2012) 494; COM(2014) 254; COM(2008) 768; COM(2013) 229; COM(2014) 008; COM(2014) 086; pjan direzzjonali strateġiku “Nibnu l-Enerġija mill-Oċeani għall-Ewropa” (mhux disponibbli bil-Malti).

(15)  Pjan direzzjonali għall-Istrateġija “Għarfien dwar il-Baħar 2020” (SWD(2014) 0149) (mhux disponibbli bil-Malti).

(16)  Direttiva 2014/89/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 135).

(17)  Il-“Grupp ta’ Livell Għoli għal Ekonomija Marittima Sostenibbli” (High Level Panel for a Sustainable Ocean Economy), magħmul minn erbatax-il pajjiż, fosthom żewġ pajjiżi Ewropej – il-Portugall u n-Norveġja – huwa prattika tajba f’dan ir-rigward.

(18)  EEA Grants – L-għotjiet taż-ŻEE u tan-Norveġja huma riżultat tal-parteċipazzjoni tal-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja fis-suq intern fl-oqsma koperti mill-Ftehim ŻEE.


ANNESS I

IŻ-ŻONA TAL-ATLANTIKU (1)

Image 1

IŻ-ŻONA TAL-ATLANTIKU – Ir-reġjuni ultraperiferiċi

Image 2


(1)  ECO/306 – CESE 1298/2012.


ANNESS II

PDG REĠJONALI (NUTS 2) PER CAPITA

standard tal-kapaċità tal-akkwist, UE-28

REĠJUN

2009

2017

IL-PORTUGALL

 

 

Ir-Reġjun tat-Tramuntana

63,6

65

Algarve

84,6

83

Iċ-Ċentru

66,5

67

Lisbona

112,4

100

Alentejo

72,2

72

Ir-Reġjun Awtonomu tal-Azores

75,2

68

Ir-Reġjun Awtonomu ta’ Madeira

104,9

73

SPANJA

 

 

Il-Gżejjer Kanarji

87,3

75

L-Andalusija

79,1

68

Il-Galicia

92,7

82

Il-Prinċipat tal-Asturji

95,8

82

Il-Cantabria

100,0

83

Il-Pajjiż Bask

134,4

121

FRANZA

 

 

Aquitaine

96,3

91

Poitou-Charentes

86,4

83

Pays-de-la-Loire

96,4

94

Il-Bretanja

90,5

88

In-Normandija t’Isfel

84,1

81

In-Normandija ta’ Fuq

93,0

88

IR-RENJU UNIT

 

 

Cornwall u Isles of Scilly

71,9

68

Devon

86,5

77

Hampshire u Isle of Wight

110,3

104

Dorset u Somerset

93,5

81

Wales tal-Lvant

99,3

94

Wales tal-Punent u The Valleys

68,4

66

Gloucestershire, Wiltshire u ż-żona ta’ Bristol/Bath

114,1

106

Merseyside

79,2

79

Lancashire

83,4

84

Cheshire

113,1

128

Cumbria

87,6

89

L-Iskozja tal-Lbiċ

99,9

 

Il-Highlands u l-Gżejjer

84,4

93

L-Irlanda ta’ Fuq

83,0

81

L-IRLANDA

 

 

Ir-Reġjun tal-Fruntiera, Ċentrali u tal-Punent

88,6

 

Ir-Reġjun tan-Nofsinhar u tal-Lvant Sors: Eurostat.

142,0

 

Sors: Eurostat, il-PDG per capita 2009, 2017.


ANNESS III

PJAN TA’ AZZJONI 2.0 – PILASTRI TEMATIĊI (1)

Image 3


(1)  COM(2020) 329 final.


ANNESS IV

PJAN TA’ AZZJONI 2.0 – GĦANIJIET U AZZJONIJIET

PILASTRU I: IL-PORTIJIET BĦALA PORTALI U ĊENTRI GĦALL-EKONOMIJA BLU

Il-Pilastru jħaddan żewġ għanijiet speċifiċi u sensiela ta’ azzjonijiet konkreti:

Għan 1: Il-portijiet bħala portali għall-kummerċ fl-Atlantiku

Azzjonijiet

L-iżvilupp tal-Awtostradi tal-Baħar tat-TEN-T fl-Atlantiku

Il-ħolqien ta’ network ta’ portijiet ekoloġiċi sal-2025

It-trawwim ta’ konnessjonijiet tat-tbaħħir fuq distanzi qosra fiż-żona tal-Atlantiku biex l-Irlanda tiġi integrata aħjar

It-tnedija ta’ strateġija għall-Atlantiku dwar il-gass naturali likwifikat

L-iżvilupp ta’ skemi ta’ ekoinċentivi biex titjieb l-infrastruttura tal-portijiet

L-iżvilupp b’mod konġunt ta’ pjani għall-iskart u l-immaniġġjar għall-portijiet tal-Atlantiku

Għan 2: Il-portijiet bħala katalisti għan-negozju

Azzjonijiet

L-iżvilupp ta’ skema ta’ aċċeleratur blu għall-portijiet tal-Atlantiku biex tgħin fl-iżvilupp ta’ negozji innovattivi

Il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki, l-iskambju ta’ ideat u l-indirizzar tal-problemi b’mod konġunt

L-espansjoni tal-ġbir ta’ data lil hinn mid-data tradizzjonali (loġistika)

Iż-żieda tal-komunikazzjoni u d-disponibbiltà tad-data dwar il-potenzjal ekonomiku tal-portijiet

PILASTRU II: IL-ĦILIET BLU TAL-FUTUR U L-GĦARFIEN DWAR L-OĊEANI

Il-Pilastru jħaddan żewġ għanijiet speċifiċi u sensiela ta’ azzjonijiet konkreti:

Għan 3: Edukazzjoni, taħriġ u tagħlim ta’ kwalità tul il-ħajja

Azzjonijiet

L-identifikazzjoni ta’ lakuni fil-ħiliet blu fiż-żona tal-Atlantiku tal-UE

L-armonizzazzjoni tal-ġbir tad-data fil-qasam tal-karrieri blu

Il-ħolqien ta’ skema ta’ intelliġenza tan-negozju u l-promozzjoni ta’ ċentri ta’ kollegament għal kooperazzjoni mtejba bejn in-negozji u l-fornituri tat-taħriġ

L-identifikazzjoni permezz ta’ tagħlim minn pari tal-aħjar prattiki ta’ pariġġar għal min iħaddem u għal min qed ifittex xogħol li jservu ta’ ispirazzjoni

It-teħid ta’ vantaġġ mill-pjattaformi eżistenti tal-informazzjoni għall-opportunitajiet tax-xogħol u l-ħsad tal-potenzjal tagħhom għall-impjiegi blu

Għan 4: L-għarfien dwar l-oċeani

Azzjonijiet

It-tnedija ta’ kurrikulu pilota dwar l-għarfien dwar l-Oċean Atlantiku

Il-ħolqien ta’ 25 skola blu tal-Atlantiku sal-2025

L-implimentazzjoni ta’ komponent tal-għarfien dwar l-oċeani (tixrid) fi proġetti rilevanti

L-użu tal-Forum taż-Żgħażagħ tal-Oċean Trans-Atlantiku

L-involviment taċ-ċittadini f’azzjonijiet relatati mal-oċeani fiż-żona tal-Atlantiku tal-UE

L-involviment taċ-ċittadini f’attivitajiet organizzati għall-Jum Marittimu Ewropew, il-Jum Internazzjonali tal-Oċeani u taħt il-pjattaforma futura EU4Ocean

PILASTRU III: L-ENERĠIJA RINNOVABBLI MILL-BAĦAR

Il-pilastru jħaddan għan speċifiċku u sensiela ta’ azzjonijiet konkreti:

Għan 5: Il-promozzjoni tan-newtralità tal-karbonju permezz tal-enerġija rinnovabbli mill-baħar

Azzjonijiet

Jiġu stabbiliti objettivi speċifiċi għall-użu tal-enerġija rinnovabbli mill-baħar fir-reġjuni tal-Atlantiku filwaqt li jitqiesu l-impatti ambjentali tagħhom

Jiġu ddefiniti l-aħjar siti għall-parks tal-enerġija rinnovabbli fuq il-baħar (inklużi parks tar-riħ lil hinn mill-kosta) u għall-portijiet biswithom tul l-Atlantiku, filwaqt li jittieħed kont tal-impatti potenzjali fuq l-ambjent tal-baħar

Jiġu implimentati inċentivi għall-użu ta’ installazzjonijiet innovattivi ta’ enerġija rinnovabbli

Jinġabru flimkien inizjattivi differenti dwar l-enerġija rinnovabbli mill-baħar li jkopru ż-żona tal-Atlantiku tal-UE, abbażi tal-filosofija tal-Pjan Strateġiku għat-Teknoloġija tal-Enerġija (Pjan SET) u biex jissoktaw l-objettivi tiegħu

L-iżvilupp ta’ kuxjenza pubblika bl-użu ta’ għodod ta’ komunikazzjoni xierqa dwar l-enerġija rinnovabbli mill-baħar fl-Atlantiku

It-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-komunità Ewropea tal-enerġija mill-oċeani

L-iżvilupp ta’ qafas speċifiku tal-enerġija mill-oċeani għall-gżejjer tal-UE fl-Atlantiku

PILASTRU IV: OĊEANI B’SAĦĦITHOM U KOSTI REŻILJENTI

Il-Pilastru jħaddan żewġ għanijiet speċifiċi u sensiela ta’ azzjonijiet konkreti:

Għan 6: Reżiljenza kostali aktar b’saħħitha

Azzjonijiet

Il-wiri ta’ sistema komprensiva ta’ twissija u ta’ osservazzjoni għaż-żieda fil-maltempati u fl-għargħar minħabba t-tibdil fil-klima

L-iżvilupp ta’ sinerġiji bejn infrastrutturi eżistenti tal-UE għall-osservazzjoni u l-protezzjoni kostali, kif ukoll għat-twissija u l-monitoraġġ u ż-żieda fl-iżvilupp ta’ osservatorji tal-oċean in situ

L-iżvilupp ta’ spazji għall-ittestjar, żoni pilota għall-ittestjar ta' metodi ta’ protezzjoni kostali u l-promozzjoni ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura

Il-promozzjoni ta’ prattiki sostenibbli fit-turiżmu kostali u marittimu

Il-ġbir ta’ inventarju ta’ strateġiji u miżuri nazzjonali u reġjonali ta’ adattament kostali għat-tibdil fil-klima, marbuta mal-valutazzjonijiet tar-riskju u mal-pjanijiet ta’ ġestjoni tar-riskju, u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki

Il-ħolqien ta’ kampanji ta’ informazzjoni għall-komunitajiet kostali tal-Atlantiku

L-edukazzjoni liż-żgħażagħ u lill-komunitajiet kostali dwar l-evoluzzjoni tal-kosta u dwar il-modi kif wieħed jadatta għaż-żieda fil-livell tal-baħar

Il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki dwar l-applikazzjoni tal-ippjanar tal-ispazju arittimu għall-adattament kostali, ir-reżiljenza, u l-valutazzjonijiet ambjentali applikabbli (VIA (1), SEA (2), AA (3)).

L-immappjar tal-artijiet mistagħdra kostali għall-preservazzjoni u għall-monitoraġġ tar-rwol tagħhom bħala bjar tal-karbonju

Għan 7: Il-ġlieda kontra t-tniġġis tal-baħar

Azzjonijiet

L-iżvilupp ta’ proġett pilota ta’ komunitajiet kostali “mingħajr skart”

Isir użu mill-għodod disponibbli biex jiġu identifikati s-sorsi, il-mogħdijiet u l-hotspots ewlenin tal-iskart fil-baħar, kif ukoll it-tniġġis aċċidentali jew intenzjonat

Il-promozzjoni ta’ azzjonijiet ta’ negozju bbażati fuq l-ekonomija ċirkolari, l-iżvilupp ta’ inċentivi u skemi ta’ ċertifikazzjoni ambjentali

It-tnedija ta’ azzjonijiet konġunti biex jippromovu l-perċezzjoni pubblika tal-problema, pereżempju ġranet tal-bajjiet fejn il-komunitajiet jiltaqgħu biex inaddfu l-bajja

Il-promozzjoni ta’ azzjonijiet tas-sajd għall-iskart sabiex is-sajjieda kollha jitħeġġu jtellgħu fuq l-art l-iskart maqbud fix-xbieki tagħhom matul l-operazzjonijiet normali tas-sajd tagħhom

Jittieħed l-impenn taħt OSPAR biex jiġu implimentati azzjonijiet kollettivi tal-pjan ta’ azzjoni reġjonali dwar l-iskart fil-baħar

Il-promozzjoni tal-implimentazzjoni kkoordinata u effettiva ta’ azzjonijiet kontra l-iskart fil-baħar u l-istorbju taħt l-ilma li għandhom jiġu applikati mill-Istati Membri tal-UE skont l-MSFD

L-appoġġ tal-ħidma taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili u tal-Ftehimiet ta’ Bonn u ta’ Lisbona għall-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons effettivi għal tniġġis intenzjonat u aċċidentali

Il-promozzjoni tal-kooperazzjoni fost is-setturi għal rispons ikkoordinat fuq il-baħar u fuq il-kosta


(1)  Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 26, 28.1.2012, p. 1), kif emendata mid-Direttiva 2014/52/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 124, 25.4.2014, p. 1).

(2)  Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU L 197, 21.7.2001, p. 30).

(3)  Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 97/62/KE (ĠU L 305, 8.11.1997, p. 42); Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1); Direttiva tal-Kunsill 2006/105/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 368); Direttiva tal-Kunsill 2013/17/UE (ĠU L 158, 10.6.2013, p. 193).


9.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/59


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: It-tisħiħ tal-ambizzjoni klimatika tal-Ewropa għall-2030 — Ninvestu f’futur newtrali għall-klima għall-benefiċċju tal-popli tagħna”

[COM(2020) 562 final]

(2021/C 123/09)

Relatur:

Arnold PUECH D'ALISSAC (FR-I)

Korelatur:

Jan DIRX (NL-III)

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 11.11.2020

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

11.1.2021

Adottata fil-plenarja

27.1.2021

Sessjoni plenarja Nru

557

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

216/6/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa' bi pjaċir il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni It-tisħiħ tal-ambizzjoni klimatika tal-Ewropa għall-2030 – Ninvestu f'futur newtrali għall-klima għall-benefiċċju tal-popli tagħna. L-għażla tal-Kummissjoni li żżid il-mira tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-2030 għal 55 % hija fil-biċċa l-kbira tagħha konformi mal-Opinjoni preċedenti tal-Kumitat dwar il-Liġi Ewropea dwar il-Klima.

1.2

Il-ħidma lejn emissjonijiet żero netti mill-miri intermedji hija possibbli biss bil-kundizzjoni li l-integrità tas-sistema, inkluż il-kalkolu preċiż tal-emissjonijiet u l-assorbiment tal-karbonju, tkun iggarantita.

1.3

Il-KESE jemmen li huwa importanti ħafna li ċ-ċittadini u l-imsieħba soċjali għandhom ikunu f'pożizzjoni li jafu kif jistgħu jintlaħqu l-għanijiet dwar il-mira tal-emissjonijiet u xi jfissru għax-xogħol u l-ħajja tagħhom. Dan huwa essenzjali għall-appoġġ tal-miżuri kollha li se jittieħdu. Għalhekk għandhom jittieħdu miżuri biex jiggarantixxu li r-riskji u l-opportunitajiet jinqasmu b’mod ugwali biex jiġu żgurati ċ-ċertezza u l-istabbiltà.

1.4

Il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li l-infiq għall-irkupru wara l-COVID-19 għandu jingħaqad ma' azzjoni klimatika ambizzjuża biex jiġu evitati l-ħela tal-flus u l-assi mhux rekuperabbli, li jwasslu għal ħtiġijiet addizzjonali ta' riżorsi aktar 'il quddiem. Għandu jiġi żgurat li dawn l-investimenti jintużaw tassew fl-ispirtu ta' politika dwar il-klima sostenibbli li tpoġġi liċ-ċittadini fiċ-ċentru.

1.5

Il-Kummissjoni beħsiebha tressaq il-proposti leġiżlattivi ddettaljati meħtieġa sa Ġunju 2021. Il-KESE jistieden lill-koleġiżlaturi biex ma jaqbżux dan il-perjodu ta' żmien u li jlestu l-proċess leġiżlattiv sa Diċembru 2021, għaliex inkella l-perjodu ta' żmien biex tintlaħaq il-mira għall-2030 se jkun wisq qasir.

1.6

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tagħti prijorità lill-aġġornament tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar it-tranżizzjoni għal fjuwils rinnovabbli.

1.7

Il-KESE jissuġġerixxi li l-miri klimatiċi ġodda għall-agrikoltura fil-fond ta' rkupru Next Generation EU għandhom ikunu riflessi fl-att delegat tar-Regolament dwar it-tassonomija biex tkun żgurata tranżizzjoni skalabbli. Kif issuġġerit issa, l-att delegat jipprovdi għodod tranżizzjonali għall-produzzjoni niċċa biss. Tranżizzjoni olistika lejn agrikoltura li ma tagħmilx ħsara lill-klima biss tista' tiżgura settur tal-ikel sostenibbli fil-futur. Il-katina alimentari jeħtieġ li żżid l-investiment sostenibbli u l-appoġġ biex tagħti spinta lit-tranżizzjoni.

1.8

Il-KESE jitlob li jiġi stabbilit programm ta' bijoekonomija ddedikat tal-UE li jiffaċilita l-investiment u jistabbilixxi ktajjen tal-provvista bbażati fil-komunità u fuq l-azjendi agrikoli.

1.9

Il-KESE jenfasizza l-konklużjoni fil-Valutazzjoni tal-Impatt li l-kisba ta' tnaqqis ta' 55 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2030 mhux biss tpoġġi lill-UE fit-triq it-tajba biex tikseb in-newtralità klimatika, iżda tagħmel ukoll lin-negozji u l-industrija tal-UE pijunieri globali. Meta tagħmel dan, l-UE trid tiżgura li l-politika kummerċjali u l-ftehimiet kummerċjali tagħha jkunu konsistenti mal-ambizzjoni klimatika tagħha. Nirrakkomandaw ukoll li l-Kummissjoni tagħti attenzjoni speċjali lill-konsegwenzi possibbli għal ċittadini ta' pajjiżi terzi bi dħul baxx.

1.10

Il-KESE japprova bis-sħiħ id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li ċ-ċittadini huma “sħab kruċjali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima”, għaliex nemmnu li l-parteċipazzjoni attiva tal-“partijiet kollha tas-soċjetà” hija kundizzjoni neċessarja biex il-politika klimatika tkun ta' suċċess fl-UE. Din hija r-raġuni għaliex intennu wkoll il-proposta tagħna li titwaqqaf Pjattaforma tal-Partijiet Interessati tal-Patt Klimatiku Ewropew.

1.11

Il-KESE jistieden ukoll lill-Istati Membri biex jipproponu l-introduzzjoni ta’ kriterji komuni u indikaturi komuni fil-livell Ewropew bħala l-ewwel pass lejn kejl aħjar tal-faqar enerġetiku, abbażi tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Ottubru 2020 dwar il-faqar enerġetiku [C(2020) 9600 final].

1.12

Il-KESE jifraħ lill-Kummissjoni, li ġustament titlob għall-ħtieġa li t-tranżizzjoni tal-ekonomija tagħna tkun akkumpanjata minn investiment f'taħriġ mill-ġdid u taħriġ ulterjuri u l-edukazzjoni permanenti ta' ħafna gruppi professjonali. Barra minn hekk, għandhom jittieħdu miżuri sabiex ikun żgurat li l-opportunitajiet ġodda ta' impjieg iwasslu għat-tkabbir tal-impjiegi b'pagi deċenti u kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin.

2.   Kummenti ġenerali

2.1

Il-KESE jilqa' bi pjaċir il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni It-tisħiħ tal-ambizzjoni klimatika tal-Ewropa għall-2030 – Ninvestu f'futur newtrali għall-klima għall-benefiċċju tal-popli tagħna. L-għażla tal-Kummissjoni li żżid il-mira tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-2030 għal 55 % hija fil-biċċa l-kbira tagħha konformi mal-Opinjoni preċedenti tal-Kumitat dwar il-Liġi Ewropea dwar il-Klima (1).

2.2

Għall-kuntrarju ta' dak li qed tipproponi issa l-Kummissjoni għall-ewwel darba fir-rigward tal-mira ta' tnaqqis għall-2030, l-Opinjoni tal-KESE għal mira ta' tnaqqis ta' 55 % ma kinitx mira netta, filwaqt li tal-Kummissjoni hija. Dan ifisser li l-objettiv tal-Kummissjoni huwa inqas ambizzjuż minn dak irrakkomandat mill-Kumitat.

2.3

Peress li l-Kummissjoni tapplika mira ta' emissjonijiet żero netti għall-2050 fil-Liġi Ewropea dwar il-Klima, il-KESE jemmen li fl-aħħar mill-aħħar il-bjar tal-karbonju għandhom jiġu kkunsidrati b'mod sħiħ. Biex dan jitwettaq, huwa loġiku li naħdmu lejn emissjonijiet żero netti mill-miri intermedji. Madankollu, din hija possibbli biss bil-kundizzjoni li l-integrità tas-sistema, inkluż il-kalkolu preċiż tal-emissjonijiet u l-assorbiment tal-karbonju, tkun iggarantita.

2.4

Il-Kumitat jappoġġja l-konklużjoni tal-Kummissjoni li ż-żieda fl-ambizzjoni tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-UE għal 55 % sal-2030 hija neċessarja. It-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra jista’ jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tas-saħħa, jista’ joħloq l-impjieg, u jista’ jnaqqas il-kontijiet tal-enerġija, sakemm l-investimenti privati u pubbliċi meħtieġa jkunu jistgħu u, fil-fatt, isiru fid-direzzjoni sostenibbli ġusta. Billi żżid l-ambizzjoni klimatika, l-UE qed turi wkoll ir-responsabbiltà globali tagħha. Iżda aħna naħsbu li huwa importanti u neċessarju li jiġi ċċarat fuq perjodu ta' żmien qasir kif jista' jintlaħaq l-għan il-ġdid f'dan il-perjodu ta' żmien relattivament qasir sal-2030.

2.5

Nirrikonoxxu wkoll li l-impatt soċjali u ekonomiku fuq iċ-ċittadini u n-negozji Ewropej fuq livell individwali biex tintlaħaq il-mira eżistenti u dik ġdida għall-2030 bl-ebda mod mhuwa kompletament ċar. Il-KESE jemmen li huwa importanti ħafna li ċ-ċittadini u l-imsieħba soċjali għandhom ikunu jafu kif jistgħu jintlaħqu dawn l-għanijiet u xi jfissru għax-xogħol u l-ħajja tagħhom. Dan huwa essenzjali biex jiġu appoġġjati l-miżuri kollha li għandhom jittieħdu, minħabba li dawn se jaffettwaw b'mod differenti liċ-ċittadini Ewropej fi Stati Membri u reġjuni differenti. Għalhekk għandhom jittieħdu miżuri biex jiġi ggarantit li r-riskji u l-opportunitajiet relatati ma' dan il-proċess jinqasmu b'mod ugwali biex ikunu żgurati ċ-ċertezza u l-istabbiltà.

2.6

Nirrakkomandaw li l-Kummissjoni tagħti attenzjoni speċjali lill-konsegwenzi possibbli għal ċittadini ta' pajjiżi terzi bi dħul baxx. L-UE għandha tistinka biex ittaffi kwalunkwe konsegwenza negattiva. L-UE għandha tappoġġja l-iżvilupp tagħhom lejn il-kisba tan-newtralità klimatika, filwaqt li żżomm f'moħħha li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw huma intitolati li jżidu, b’mod raġonevoli, l-emissjonijiet tal-gassijiet serra fil-Ftehim ta' Pariġi.

2.7

Il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li l-pandemija li qed niffaċċjaw bħalissa mhix argument biex jitwarrab l-indirizzar tat-tibdil fil-klima. Għall-kuntrarju, kif tikteb ukoll il-Kummissjoni, “[i]r-rispons ekonomiku Ewropew mingħajr preċedent għall-COVID-19 joffri opportunità unika biex titħaffef t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima”. Sabiex tkun tista' tiżviluppa l-politika bl-aktar mod effettiv possibbli f'din is-sitwazzjoni, il-Kumitat jagħti parir lill-Kummissjoni biex tinvestiga bir-reqqa kif il-mekkaniżmu tar-Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq u l-approċċ tal-kondiviżjoni tal-isforzi jaħdmu fir-rigward tat-tnaqqis attwali fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra, bil-ħsieb li jitnaqqsu sa ċertu punt il-possibbiltajiet legali mhux użati għall-emissjonijiet.

2.8

Jekk issir ħidma enerġetika issa fuq il-mira miżjuda tat-tnaqqis għall-2030, ikun aktar faċli għall-ġenerazzjonijiet futuri li verament jilħqu l-mira stabbilita ta' newtralità klimatika sal-2050. Dan għaliex inqas ma tieħu azzjoni l-UE fl-għaxar snin ġejjin, iżjed se tkun diffiċli u ta' sfida t-triq għat-tnaqqis wara l-2030. Il-Kumitat għalhekk jistenna bil-ħerqa l-proposti biex il-mira ta' 55 % tintlaħaq sal-2030, li l-Kummissjoni se tippreżenta sa mhux aktar tard minn Ġunju 2021. Nirrakkomandaw approċċ b'taħlita ta' strumenti diversi flimkien ma' strumenti finanzjarji, kif ukoll leġiżlazzjoni, bħar-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji u r-Regolament dwar it-Tassonomija. Huwa importanti li jiġi evalwat bir-reqqa l-effett ta' dawn l-approċċi l-ġodda.

2.9

Il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li “[i]rridu nikkombinaw l-infiq tal-irkupru ma' azzjoni klimatika ambizzjuża biex nevitaw il-ħela tal-flus u tal-assi, li jwassal għal ħtiġijiet addizzjonali ta' riżorsi aktar tard”. Għandu jiġi żgurat li dawn l-investimenti jintużaw tassew fl-ispirtu ta' politika dwar il-klima sostenibbli li tpoġġi liċ-ċittadini fiċ-ċentru. Il-Kumitat diġà indirizza dan fid-dettall fil-proposti ta' Riżoluzzjoni tiegħu għar-rikostruzzjoni u l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19 (2).

2.10

Bħala wieħed mill-vantaġġi tat-tranżizzjoni enerġetika, il-Kummissjoni ssemmi t-tnaqqis tad-dipendenza fuq l-importazzjoni ta' fjuwils fossili (p. 6). Madankollu, il-Kumitat jixtieq jikkunsidra dan l-aspett tal-kummerċ internazzjonali sal-estent sħiħ tiegħu. Il-ftehimiet kummerċjali internazzjonali u l-ktajjen tal-valur iridu jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-iżvilupp ekoloġiku u sostenibbli u jridu jinkludu obbligi vinkolanti ta’ diliġenza dovuta għall-kumpaniji jew, kif iddikjara l-Kunsill Ewropew fil-laqgħa reċenti tiegħu ta’ Diċembru, “L-UE ser tiżgura li l-politika kummerċjali u l-ftehimiet kummerċjali tagħha jkunu konsistenti mal-ambizzjoni klimatika tagħha”. Nikkunsidraw li t-twettiq ta' investigazzjoni bir-reqqa dwar dan huwa mixtieq ħafna.

2.11

Waqt li jsiru valutazzjonijiet tal-impatt, huwa importanti li wieħed jagħraf li l-kriżi tal-COVID-19 għandha konsegwenzi ekonomiċi, soċjali u ambjentali mingħajr preċedent, li min-naħa tagħhom għandhom implikazzjonijiet fuq l-impatti tal-miżuri li għandhom jittieħdu għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima.

2.12

Il-KESE jisħaq li huwa ta' importanza primarja li ż-żieda tal-mira tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tiġi stabbilita flimkien ma' Fond għal Tranżizzjoni Ġusta ffinanzjat tajjeb fil-livell Ewropew u miżuri li jappoġġjaw liċ-ċittadini, lill-ħaddiema u lin-negozji jaġġustaw għall-bidliet li se jsiru. Il-KESE jiddubita jekk EUR 7,5 biljun mill-QFP u EUR 10 biljun mill-fond għall-irkupru tan-Next Generation EU humiex biżżejjed.

3.   Leġiżlazzjoni

3.1

Il-Kummissjoni beħsiebha tressaq il-proposti leġiżlattivi dettaljati meħtieġa sa Ġunju 2021. Il-KESE jistieden lill-koleġiżlaturi li dan il-perjodu ta' żmien ma jinqabiżx u li l-proċess leġiżlattiv jitlesta sa Diċembru 2021, għaliex inkella l-perjodu ta' żmien biex tintlaħaq il-mira għall-2030 se jkun qasir wisq. Huma disponibbli emendi relattivament sempliċi għar-regolamenti, bħal żieda fil-limitu tal-fattur lineari tal-EU ETS u tnaqqis perċentwali fil-kwoti tal-emissjonijiet għal kull Stat Membru għall-ESR.

3.2

Fid-dawl tal-prinċipji ta' tranżizzjoni ġusta, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tagħti prijorità lill-aġġornament tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar it-tranżizzjoni għal fjuwils rinnovabbli. L-infiq fuq sussidji diretti jew indiretti ta' fjuwils fossili, pereżempju permezz ta' eżenzjonijiet u tnaqqis mit-taxxa, għandu jintuża biex jitħaffef l-iżvilupp ta' sorsi ta' enerġija sostenibbli. Jew kif jgħid il-Ftehim ta' Pariġi, fl-Artikolu 2, il-flussi ta' finanzjament isiru konsistenti ma' perkors lejn emissjonijiet baxxi ta' gassijiet b'effett ta' serra kif ukoll l-iżvilupp reżiljenti għat-tibdil fil-klima. Ninsistu, madankollu, li dawn il-miżuri ma għandhomx ikunu għad-detriment tal-produzzjoni tal-ikel, kif jgħid ukoll il-Ftehim ta' Pariġi (l-Artikolu 2(1)(b)).

3.3

Il-Kumitat jappoġġja, dment li ma tiġix mhedda l-affidabbiltà tas-sistema (monitoraġġ, rappurtar, verifika), l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tinkludi l-emissjonijiet kollha mill-kombustjoni tal-fjuwils fossili fl-EU ETS. Madankollu, huwa neċessarju li jiġi kkunsidrat b'kemm iridu jitnaqqsu l-kwoti tal-emissjonijiet (tnaqqis tal-limitu), għaliex huwa biss meta jsir dan li l-EU ETS tkun effettiva.

3.4

Il-KESE jilqa' l-punt ta' tluq li ma ssir l-ebda ħsara (p. 5). Dan l-approċċ ġie mressaq ukoll mill-Kummissjoni fil-proposta tagħha għat-tmien Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni (COM(2020) 652 final), li fiha ddikjarat li “l-inizjattivi kollha tal-UE [għandhom] jissodisfaw il-prinċipju ekoloġiku ta' ‘la tagħmilx ħsara’”. It-tifsira ta' dan il-“prinċipju” hija relatata ma' li “[jissaħħaħ] l-approċċ integrat għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika, b'mod partikolari billi s-sostenibbiltà tiġi integrata fl-inizjattivi u l-proġetti rilevanti kollha fil-livell nazzjonali u tal-UE.” Nappoġġjaw l-importanza tas-semplifikazzjoni u l-integrazzjoni biex tiżdied l-ambizzjoni klimatika sal-2030, iżda nistaqsu x'azzjonijiet tixtieq tieħu l-Kummissjoni biex twettaq dan. Nistaqsu wkoll għaliex l-approċċ jissejjaħ “prinċipju” (filwaqt li jissejjaħ “patt” f'dokumenti oħra tal-Kummissjoni) u kif dan il-“prinċipju” eventwali mbagħad huwa relatat mal-Artikolu 11 tat-TFUE, u mal-prinċipji kkodifikati fl-Artikolu 191 tat-TFUE.

3.5

Il-Kumitat jappoġġja lill-Kummissjoni fl-intenzjoni tagħha li tagħżel mekkaniżmu ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera bħala waħda mill-għodod biex tiġi evitata r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju – flimkien mal-ħolqien tas-suq għal prodotti b’livell baxx ta’ karbonju, id-disponibbiltà ta’ sorsi tal-enerġija kostkompetittivi newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju, u programmi ta’ finanzjament – fis-sitwazzjoni ta' nuqqas ta' żidiet komparabbli fl-ambizzjoni mill-imsieħba tagħna, hekk kif l-UE żżid l-ambizzjoni klimatika tagħha. Huwa importanti li tingħata attenzjoni għall-effettività u r-robustezza tal-mekkaniżmu u għall-effetti tal-applikazzjoni ta' dan il-mekkaniżmu għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Jekk dawn il-miżuri jwasslu biex jonqos l-iżvilupp ekonomiku ta' ċerti pajjiżi, ikunu mixtieqa miżuri ta' kumpens bħat-trasferiment tat-teknoloġija.

3.6

Il-Kumitat jagħti parir lill-Kummissjoni tipprovdi aġġornament dwar ir-rata ta' konformità mal-liġi attwali tal-UE dwar il-klima u l-enerġija u dwar liema azzjonijiet marbutin ma' ksur inbdew f'dak ir-rigward. Nagħtu parir ukoll lill-Kummissjoni biex tipprovdi informazzjoni ċara dwar il-konformità mill-Istati Membri mad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli u d-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika fuq is-sit web tagħha. Il-Kummissjoni tista' – bl-għajnuna tal-EEA – tagħmel aġġornament komprensiv annwali dwar l-effettività tal-liġijiet attwali dwar il-klima u l-enerġija (kollha flimkien) inkluż li ssemmi kwistjonijiet ta' nuqqas ta' konformità?

3.7

Valutazzjoni tal-impatt għandha tinvestiga l-possibilitajiet għal bjar imtejba tal-gassijiet serra fil-ħamrija agrikola, il-foresti u l-bijomaterjali. Il-pożizzjoni tal-Parlament dwar l-iskemi tal-krediti tal-karbonju għandha tiġi elaborata biex tiżdied it-tneħħija tal-karbonju. L-opportunità li jinħolqu mudelli ġodda ta' negozju permezz ta' miżuri bbażati fuq is-suq ta' sekwestru tal-karbonju f'art agrikola u skemi ta' krediti tal-karbonju ffinanzjati mill-privat toffri l-possibbiltà li l-produttività tiżdied b'mod sostenibbli f'konformità mal-għanijiet klimatiċi, tal-bijodiversità u tal-fertilità tal-ħamrija u li jonqos ir-riskju ta’ deżertifikazzjoni. Barra minn hekk, nemmnu li s-sjieda tal-bjar u tal-kreditu tal-karbonju għandha tkun dovuta lil dawk li jkunu għamlu l-investimenti meħtieġa, u li jistgħu jkunu kemm partijiet privati kif ukoll pubbliċi.

4.   Agrikultura

4.1

L-adattament għat-tibdil fil-klima għandu jissaħħaħ, u l-UE għandha tiżviluppa u timplimenta strateġiji ta' adattament. Il-vulnerabbiltà tal-forestrija, l-agrikoltura u s-sistemi alimentari għall-impatti avversi tat-tibdil fil-klima għandha tiġi riflessa fl-azzjonijiet ta' adattament.

4.2

Il-Patt Ekoloġiku tal-UE, l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” u l-Liġi dwar il-Klima huma kollha ffukati fuq in-newtralità klimatika sal-2050, kif approvata mill-PE, mill-KE u mill-Kunsill. Madankollu, biex din tiġi indirizzata huwa neċessarju li jsiru disponibbli biżżejjed riżorsi fil-QFP, fil-baġit tal-PAK u fil-fond ta' rkupru Next Generation EU. Inkella, l-bdiewa ma jistgħux ikunu mistennija li jagħmlu dak li hu neċessarju biex jintlaħqu l-miri stabbiliti. Il-valur għall-prodotti b’livell baxx ta’ karbonju jrid jinħoloq permezz tas-swieq tal-karbonju jekk il-fondi ma jkunux jistgħu jsiru disponibbli. Il-bdiewa jaqdu r-rwol tagħhom fis-soluzzjoni u se jitolbu aktar finanzjament jekk ikun neċessarju.

4.3

Il-kriżi attwali tal-COVID-19 turi li s-sigurtà tal-ikel ma tistax tittieħed bħala xi ħaġa ovvja fl-UE u l-produzzjoni tal-ikel teħtieġ attenzjoni speċjali fl-ambizzjoni klimatika tal-2030. Fir-Riżoluzzjoni tagħna msemmija hawn fuq għall-irkupru wara l-COVID-19, stqarrejna l-ħtieġa li “[jiżdiedu] r-reżiljenza u s-sostenibbiltà tas-sistema alimentari tagħna billi jibnu mill-ġdid mudelli ta' biedja aktar diversifikata, jippromovu ċentri ta' distribuzzjoni tal-ikel lokalizzati u ktajjen tal-provvista iqsar, u jtejbu l-aċċess għas-suq għal bdiewa b'azjenda agrikola żgħira, u għal sajjieda u produtturi tal-akkwakultura b'impatt baxx”. Fl-istess ħin, ktajjen agroalimentari sostenibbli huma essenzjali biex tissaħħaħ is-sigurtà tal-ikel madwar id-dinja għal popolazzjoni globali li qed tiżdied.

4.4

Il-KESE jissuġġerixxi li l-miri klimatiċi ġodda għall-agrikoltura fil-fond ta' rkupru Next Generation EU għandhom ikunu riflessi fl-att delegat tar-Regolament dwar it-tassonomija biex tkun żgurata tranżizzjoni skalabbli. Kif issuġġerit issa, l-att delegat jipprovdi għodod tranżizzjonali għall-produzzjoni niċċa biss. Tranżizzjoni olistika lejn agrikoltura li ma tagħmilx ħsara lill-klima biss tista' tiżgura settur tal-ikel sostenibbli fil-futur. Il-katina alimentari jeħtieġ li żżid l-investiment sostenibbli u l-appoġġ biex tagħti spinta lit-tranżizzjoni. Sabiex jinkisbu l-miri klimatiċi, hija tal-akbar importanza li jiġu implimentati miżuri li huma sempliċi, kosteffettivi u aċċessibbli bħal impjanti tal-bijogass, tal-ġestjoni tal-ilma u tal-krediti tal-karbonju (ringieli ta' sġajriet, sekwestru ta' karbonju fil-ħamrija).

4.5

Il-KESE jappoġġja qafas tal-UE għal skemi ta’ kreditu tal-karbonju li jistgħu jintużaw biex jiggwidaw il-kisba tal-miri klimatiċi, kif stabbilit fir-rapport tal-Parlament dwar il-Liġi dwar il-Klima. Il-karbonju għandu jkollu wkoll prezz fil-bijoekonomija. Barra minn hekk, ir-riċerka u l-innovazzjoni għandhom jiġu appoġġjati biex kemm jista' jkun jinstabu soluzzjonijiet tekniċi u sostenibbli sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u biex jitħeġġeġ is-sekwestru tal-karbonju fl-agrikoltura.

4.6

Fil-preżent, il-mod kif jingħadd il-metan ma jirriflettix l-aktar xjenza aġġornata. Huwa essenzjali li tiġi adottata l-aktar metodoloġija xjentifika reċenti meta jiġi vvalutat l-impatt tal-ikel fuq il-klima. It-tnaqqis tal-emissjonijiet għal żero netti fl-2050 għandu jikkunsidra l-effett fuq il-klima tal-metan bħala gass serra li ma jdumx u li ma għandux għalfejn ikun żero nett sabiex tinkiseb newtralità klimatika jew biex ma jkunx hemm effett ta' tisħin addizzjonali.

4.7

Il-finanzjament adatt fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni fis-settur agrikolu għandu jingħata prijorità. Investimenti fi prattiki innovattivi u teknoloġiji u metodi ta' produzzjoni sostenibbli u kosteffettivi għandhom jiġu mħeġġa u jingħataw inċentivi sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra filwaqt li jinżamm lok għal titjib f'termini tal-potenzjal ta' produzzjoni tal-bhejjem tal-UE biex jiggarantixxi lill-popolazzjoni dieta bbilanċjata. Il-ġestjoni tal-ilma u l-irrigazzjoni ta' raba' li tinħadem se jkunu meħtieġa saħansitra aktar fil-futur. Għandhom jiġu mħeġġa investimenti ġodda f'sistemi li huma aktar effiċjenti u li jipprevjenu t-tniġġis tal-ilma.

4.8

Sabiex jintlaħqu l-miri klimatiċi għandhom jiġu rikonoxxuti t-teknoloġija u l-innovazzjonijiet ġodda. Il-katina alimentari tal-UE diġà hija kompetittiva fuq skala globali fir-rigward tal-klima. L-adattament tas-settur għat-tibdil fil-klima u li dan isir reżiljenti għall-effetti negattivi tiegħu jiżgura li l-marka tal-karbonju fil-produzzjoni tal-ikel tal-UE tkompli tonqos. F'dan ir-rigward, l-adozzjoni ta', pereżempju, tekniki ġodda ta' trobbija (NBT, eċċ), bidla fil-produzzjoni minn proteini mill-annimali għal proteini veġetali, teknoloġiji intelliġenti u diġitali tal-biedja u l-innovazzjoni huma l-fattur ewlieni biex is-sistema alimentari tal-UE ssir reżiljenti.

4.9

Il-KESE jitlob programm ta' bijoekonomija dedikat tal-UE li jiffaċilita l-investiment u jistabbilixxi ktajjen tal-provvista bbażati fil-komunità u fuq l-azjendi agrikoli. Il-promozzjoni ta' sinerġiji bejn l-enerġija rinnovabbli permezz tal-produzzjoni tal-bijogass u l-ġestjoni tad-demel hija ta' importanza kbira għal produzzjoni deċentralizzata tal-enerġija rinnovabbli li tappoġġja wkoll l-għajxien rurali.

5.   Industrija, materjali, enerġija u trasport

5.1

Il-KESE jilqa' l-konklużjoni fil-Valutazzjoni tal-Impatt li l-kisba ta' tnaqqis ta' 55 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2030 mhux biss tpoġġi lill-UE fit-triq it-tajba biex tikseb in-newtralità klimatika, iżda tagħmel ukoll lin-negozji u l-industrija tal-UE pijunieri globali. Dan jinkludi l-azzar sostenibbli prodott bl-idroġenu minflok bil-faħam, u, min-naħa tiegħu, l-idroġenu jiġi ġġenerat b’elettriku sostenibbli. Għal dan il-għan infetħet l-ewwel fabbrika pilota fl-Iżvezja.

5.2

Kif iddikjarat f’Opinjonijiet preċedenti, pereżempju, l-Opinjoni reċenti “Bejn supergrid trans-Ewropea u l-gżejjer tal-enerġija lokali”, il-KESE indika kemm huwa importanti li jiġi rikonoxxut li t-tranżizzjoni tal-enerġija mhijiex biss kwistjoni teknoloġika iżda wkoll sfida soċjali u politika profonda. Mhux biss in-negozji, iżda wkoll il-ħaddiema, it-trade unions u l-konsumaturi jeħtiġilhom ikunu involuti fit-tranżizzjoni enerġetika, kif imwiegħed minn dawk li jfasslu l-politika u kif mitlub bil-qawwa mill-KESE. Madankollu, hawnhekk ukoll, il-Kummissjoni u l-Istati Membri ħallew aktar mistoqsijiet miftuħa milli tweġibiet. Barra minn hekk, l-inizjattivi attwali tal-politika dwar l-enerġija se jipprevjenu l-parteċipazzjoni wiesgħa taċ-ċittadini, aktar milli jħeġġuha. Wara kollox, it-tranżizzjoni enerġetika tal-Ewropa qabelxejn teħtieġ ċertezza ta' investiment kemm mis-settur pubbliku kif ukoll mis-settur privat, li tista' tinkiseb biss jekk jittieħdu deċiżjonijiet fundamentali ċari.

5.3

Il-Kumitat jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni, kif stipulat fil-Komunikazzjoni tagħha “Strateġija tal-UE dwar l-Integrazzjoni tas-Sistema tal-Enerġija”, li l-integrazzjoni tas-sistema tal-elettriku mas-sistema tas-sħana u t-trasport hija vitali biex jintlaħqu l-għanijiet tan-newtralità klimatika, is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, inkluż it-tnaqqis tal-importazzjonijiet tal-enerġija, u l-għan ta’ prezzijiet affordabbli għall-konsumaturi tal-Ewropa u l-ekonomija Ewropea. Huwa ovvju li fis-snin li ġejjin se jkollhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni biżżejjed riżorsi finanzjarji pubbliċi u privati sabiex ikunu jistgħu jsiru l-investimenti meħtieġa.

5.4

Fir-rigward tal-konsegwenzi tal-politika ekonomika u soċjali, il-KESE jtenni l-pożizzjoni tiegħu li s-sistemi tal-enerġija deċentralizzati jagħtu spinta kbira lill-iżvilupp reġjonali u jistgħu jwasslu għall-ħolqien ta' impjiegi ġodda ta' kwalità għolja u bi kwalifiki għoljin fir-reġjuni.

5.5

Naqblu kompletament mal-Kummissjoni li s-settur tal-bini, attwalment responsabbli għal 40 % tal-konsum finali tal-enerġija u għal 36 % tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra fl-UE, għandu potenzjal kbir kosteffettiv biex jitnaqqsu l-emissjonijiet. Se niddiskutu dan f'aktar dettall fl-Opinjoni tagħna dwar Mewġa ta' Rinnovazzjoni għall-Ewropa – l-ekoloġizzazzjoni tal-binjiet tagħna, il-ħolqien tal-impjiegi, it-titjib tal-ħajja.

5.6

Il-KESE jilqa’ l-pożizzjoni meħuda mill-Kummissjoni (p. 16) li s-settur tal-avjazzjoni u dak marittimu jappartjenu għal miżuri mifruxa mal-ekonomija kollha, li jeħtieġ jiġu indirizzati fid-dawl tal-Ftehim ta’ Pariġi. Dawn il-modi tat-trasport globali huma, flimkien ma’ xi emissjonijiet industrijali, dawk li bħalissa huma l-aktar ’il bogħod mill-fjuwils ġodda kosteffiċjenti mhux fossili, għalkemm għadhom għaddejjin testijiet promettenti. L-avjazzjoni u t-tbaħħir huma wkoll diffiċli biex jiġu rregolati permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali jew saħansitra Ewropea, u parti kbira tal-emissjonijiet tagħhom jinsabu barra mit-territorju tal-UE. Peress li l-emissjonijiet internazzjonali tal-UE min-navigazzjoni u l-avjazzjoni kibru b’aktar minn 50 % mill-1990 ’il hawn, aħna nappoġġjaw l-enfasi tal-Kummissjoni biex jinstabu modi kostruttivi biex l-avjazzjoni u t-tbaħħir jiġu inklużi fil-politika tal-UE dwar il-klima. L-avjazzjoni, fi ħdan u bejn l-Istati Membri tal-UE, diġà hija inkluża fl-Iskema Ewropea għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet, u l-Kummissjoni bħalissa qed tivvaluta jekk it-trasport marittimu jistax jiġi inkluż ukoll fl-ETS bl-istess mod. Għall-emissjonijiet barra mit-territorju tal-UE aħna nappoġġjaw l-għan tal-Kummissjoni li tkun proattiva fil-ħidma tal-organizzazzjonijiet tan-NU bħall-IMO u l-ICAO biex jinstabu skemi globali effettivi u vinkolanti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet.

5.7

Il-Kumitat jappoġġja l-Istrateġija għal Mobilità Sostenibbli u Intelliġenti li ġiet ippubblikata dan l-aħħar, minħabba li s-settur tat-trasport baqa’ lura fit-tnaqqis tal-emissjonijiet. Minkejja vetturi aktar effiċjenti u l-introduzzjoni ta’ fjuwils u magni b’emissjonijiet baxxi, it-trasport bit-triq żied l-emissjonijiet tiegħu b’aktar minn kwart mill-1990 ’il hawn, l-aktar permezz taż-żieda fid-domanda għat-trasport. L-istrateġija tinkludi firxa wiesgħa ta’ azzjonijiet u inizjattivi li huma meħtieġa biex titħaffef it-tranżizzjoni lil hinn mid-dipendenza fuq il-fjuwils fossili lejn mobbiltà sostenibbli. L-involviment taċ-ċittadini huwa essenzjali għal tranżizzjoni intelliġenti, peress li l-karozzi kienu u għadhom simbolu ewlieni tal-libertà.

5.8

Għall-bijoenerġija u l-bijomaterjali, rikonoxximent sħiħ tal-iffrankar tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra miksub fl-agrikoltura u l-forestrija, bis-saħħa ta' sorsi bijoġeniċi, huwa meħtieġ sabiex jiġi rikonoxxut il-bir sħiħ tal-karbonju. Is-sostituzzjoni tal-fjuwils u l-materjali fossili tista' tiġġenera ffrankar tal-emissjonijiet ogħla minn 100 % skont l-effetti ta' sosituzzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 ta' oriġini fossili u ta' gassijiet differenti mis-CO2.

6.   Il-parteċipazzjoni pubblika, iċ-ċittadini u l-konsumaturi

6.1

Il-KESE japprova bis-sħiħ id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li ċ-ċittadini huma “sħab kruċjali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, u jistgħu jappoġġjawha permezz ta' mobilizzazzjoni politika u l-għażliet tal-konsumaturi”, għaliex aħna nemmnu li l-parteċipazzjoni attiva tal-“partijiet kollha tas-soċjetà” hija kundizzjoni neċessarja biex il-politika dwar il-klima tkun suċċess fl-UE, peress li huma l-atturi tas-soċjetà ċivili (intrapriżi, ħaddiema, konsumaturi u ċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet tagħhom) li jimplimentaw l-objettivi klimatiċi fil-prattika.

6.2

Għalhekk il-KESE jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea nediet, fid-29 ta' Ottubru, konsultazzjonijiet pubbliċi biex tisma' l-fehmiet dwar ir-reviżjoni ta' politiki meħtieġa biex tiżdied il-mira tat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-2030.

6.3

Din hija r-raġuni għaliex intennu wkoll il-proposta tagħna li titwaqqaf Pjattaforma tal-Partijiet Interessati tal-Patt Klimatiku Ewropew, kif stabbilit fl-Opinjoni tagħna dwar il-Patt Klimatiku, sabiex tiġi organizzata u ffaċilitata l-parteċipazzjoni attiva tal-partijiet kollha tas-soċjetà (3).

6.4

Il-KESE jemmen li għandha tingħata attenzjoni speċjali liċ-ċittadini bi dħul aktar baxx. Dawn ta' spiss ikunu xettiċi dwar it-tranżizzjonijiet enerġetiċi, minħabba li jibżgħu li se jagħmlu l-ħajja aktar għalja. Din hija r-raġuni għaliex huwa kruċjali dak li tgħid il-Kummissjoni dwar dan: “Biex ikunu evitati l-impatti negattivi fuq il-konsumaturi vulnerabbli, hu importanti li l-politiki soċjali u tal-effiċjenza enerġetika jkunu mmirati lejn ir-rinnovazzjoni tad-djar tagħhom u jibqgħu jimmonitorjaw l-impatt tagħhom fuq il-kontijiet tat-tisħin u tal-elettriku tagħhom.” Se niddiskutu dan f'aktar dettall fl-Opinjoni tagħna dwar Mewġa ta' Rinnovazzjoni għall-Ewropa – l-ekoloġizzazzjoni tal-binjiet tagħna, il-ħolqien tal-impjiegi, it-titjib tal-ħajja (4).

6.5

Il-KESE jappella wkoll għall-introduzzjoni ta’ kriterji u indikaturi ta’ definizzjoni komuni fil-livell Ewropew bħala l-ewwel pass lejn kejl a]jar tal-faqar enerġetiku, f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Ottubru 2020 dwar il-Faqar Enerġetiku [C(2020) 9600 final (5)]. Sabiex din id-definizzjoni tiġi adattata għaċ-ċirkostanzi nazzjonali differenti, l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw aktar għodod statistiċi li jippermettulhom jimmiraw b'mod effettiv l-unitajiet domestiċi vulnerabbli.

6.6

Il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li sorsi rinnovabbli se jwasslu għal grad għoli ta' deċentralizzazzjoni, jipprovdu opportunitajiet biex il-konsumaturi jinvolvu ruħhom, biex il-prosumaturi jiġġeneraw, jużaw u jaqsmu l-enerġija huma stess, u biex il-komunitajiet lokali u b'mod partikolari dawk rurali jinkoraġġixxu investimenti lokali f'sorsi rinnovabbli. Barra minn hekk se jrawmu impjiegi ġodda lokalment. Nixtiequ ninnotaw, madankollu, li għandha tingħata attenzjoni lit-tħassib leġittimu taċ-ċittadini dwar, pereżempju, il-ħsara lill-pajsaġġ jew it-tfixkil tat-tgawdija tagħhom tal-ħajja. Il-parteċipazzjoni attiva u benefiċċju dirett mir-rendiment finanzjarju u/jew enerġetiku tal-installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli li se jinbnew jistgħu jtaffu dan it-tħassib. Barra minn hekk, għandhom jittieħdu miżuri sabiex ikun żgurat li l-opportunitajiet ġodda ta' impjieg iwasslu għat-tkabbir tal-impjiegi b'pagi deċenti u kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin.

6.7

Il-Kummissjoni titlob b'mod ġust il-ħtieġa li t-tranżizzjoni tal-ekonomija tagħna tkun akkumpanjata minn investiment f'taħriġ mill-ġdid u taħriġ ulterjuri u l-edukazzjoni permanenti ta' ħafna gruppi professjonali. Il-KESE jixtieq jenfasizza x-xewqa li ż-żgħażagħ ikollhom ukoll il-kuraġġ jerġgħu jagħżlu l-professjoni tal-biedja, minħabba li t-tixjieħ tal-forza tax-xogħol fl-agrikoltura fuq perjodu twil ta' żmien huwa ta' theddida għall-provvista sostenibbli tal-ikel. Huma meħtieġa prekondizzjonijiet tajbin u riżorsi finanzjarji fil-livell Ewropew u nazzjonali.

Brussell, is-27 ta’ Jannar 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  ĠU C 364, 28.10.2020, p. 143.

(2)  ĠU C 311, 18.9.2020, p. 1.

(3)  ĠU C 364, 28.10.2020, p. 67.

(4)  COM(2020) 662 final.

(5)  https://ec.europa.eu/transparency/regdoc/rep/3/2020/MT/C-2020-9600-F1-MT-MAIN-PART-1.PDF


9.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/66


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali”

(COM(2020) 642 final — 2020/0289 (COD))

(2021/C 123/10)

Relatur:

Arnaud SCHWARTZ

Korelatur:

Isabel CAÑO AGUILAR

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 19.10.2020

Kunsill, 20.10.2020

Bażi legali

Artikoli 192(1) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Deċiżjoni tal-Bureau

28.10.2020

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

11.1.2021

Adottata fil-plenarja

27.1.2021

Sessjoni plenarja Nru

557

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

254/2/7

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni (1) biex jissaħħaħ il-mekkaniżmu ta' rieżami intern li jinsab fir-Regolament ta' Aarhus (2) u japprezza l-potenzjal tiegħu.

1.2

Il-KESE jappoġġja l-erba' azzjonijiet ta' prijorità identifikati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, jiġifieri l-obbligu tal-Istati Membri biex jittrasponu bis-sħiħ u b'mod korrett ir-rekwiżiti tal-aċċess għall-ġustizzja li jirriżultaw mil-liġi sekondarja tal-UE, il-ħtieġa li l-koleġiżlaturi jinkludu dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għall-ġustizzja fil-leġiżlazzjoni ġdida u riveduta tal-UE dwar kwistjonijiet ambjentali, li l-Istati Membri jwettqu rieżami tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolatorji nazzjonali tagħhom li jipprevjenu jew ixekklu l-aċċess għall-ġustizzja, u l-obbligu tal-qrati nazzjonali biex jiggarantixxu id-dritt tal-individwi u tal-NGOs għal rimedju effettiv skont id-dritt tal-UE.

1.3

Madankollu, il-KESE jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-fatt li l-proposta fiha lakuni problematiċi li jistgħu jintużaw mill-istituzzjonijiet biex jevitaw li jinżammu responsabbli.

1.4

Għalhekk, pereżempju, il-KESE ma japprovax il-proposta tal-Kummissjoni li jiġu esklużi l-atti tal-UE li jinvolvu “miżuri nazzjonali ta’ implimentazzjoni”, peress li hemm possibbiltà reali li din l-esklużjoni tista’ tannulla jew iġġib fix-xejn is-siwi tal-proposta tal-Kummissjoni.

1.5

Il-KESE huwa mħasseb ukoll li jekk l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jitħallew iwettqu rieżami biss ladarba jkunu ġew adottati l-miżuri ta’ implimentazzjoni, dan jiżola ħafna atti u omissjonijiet tal-UE, jekk mhux ħafna minnhom, minn rieżami intern.

1.6

Minkejja l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni, il-KESE jinnota li atti tal-UE li mhumiex legalment vinkolanti jista’ jkollhom effetti sinifikanti kemm fuq l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE kif ukoll fuq l-interpretazzjoni tagħha mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE).

1.7

L-imsieħba soċjali huma atturi ewlenin fi kwistjonijiet ambjentali, u l-KESE għalhekk iħeġġeġ li dawn jiġu rikonoxxuti b’mod espliċitu fir-rigward tal-aċċess għall-ġustizzja.

1.8

Il-KESE jenfasizza wkoll li r-Regolament il-ġdid għandu jippermetti rieżami intern tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

1.9

Il-KESE jqis li l-protezzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili minn piżijiet żejda (bħal spejjeż addizzjonali u miżuri burokratiċi) kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-UE għandha tiġi żgurata b’mod xieraq sabiex l-istħarriġ ġudizzjarju jkun aċċessibbli fil-prattika.

2.   Kuntest

2.1   Introduzzjoni għall-Konvenzjoni ta’ Aarhus u l-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni

2.1.1

Il-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (il-Konvenzjoni ta' Aarhus) tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE) ġiet adottata fil-25 ta' Ġunju 1998 (3). Il-Konvenzjoni tistabbilixxi għadd ta' drittijiet għall-pubbliku (l-individwi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom) fir-rigward tal-ambjent. Din tikkonsisti minn tliet pilastri:

id-dritt li kulħadd jirċievi informazzjoni ambjentali miżmuma mill-awtoritajiet pubbliċi (“aċċess għall-informazzjoni ambjentali”). Dan jista' jinkludi informazzjoni dwar l-istat tal-ambjent, iżda wkoll dwar politiki jew miżuri meħuda, jew dwar l-istat tas-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem fejn dan jista' jiġi affettwat mill-istat tal-ambjent. L-applikanti huma intitolati li jiksbu din l-informazzjoni fi żmien xahar mit-talba u mingħajr ma jkollhom għalfejn jgħidu għalfejn jirrikjeduha. Barra minn hekk, l-awtoritajiet pubbliċi huma obbligati, skont il-Konvenzjoni, ixerrdu b'mod attiv l-informazzjoni ambjentali fil-pussess tagħhom;

id-dritt li wieħed jipparteċipa fit-teħid tad-deċiżjonijiet ambjentali. Għandhom isiru arranġamenti mill-awtoritajiet pubbliċi biex jippermettu lil organizzazzjonijiet mhux governattivi pubbliċi u ambjentali jikkummentaw dwar, pereżempju, proposti għal proġetti li jaffettwaw l-ambjent, jew pjani u programmi relatati mal-ambjent, biex dawn il-kummenti jiġu kkunsidrati fit-teħid tad-deċiżjonijiet, u biex tingħata informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet finali u r-raġunijiet għalihom (“il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta' deċiżjonijiet ambjentali”);

id-dritt li jsir rieżami tal-proċeduri biex jiġu kkontestati deċiżjonijiet pubbliċi li jkunu ttieħdu mingħajr ma ġew rispettati ż-żewġ drittijiet imsemmija hawn fuq jew il-liġi ambjentali b'mod ġenerali (“l-aċċess għall-ġustizzja”).

2.1.2

L-UE hija parti fil-Konvenzjoni ta' Aarhus. Ir-Regolament ta' Aarhus li ġie adottat fl-2006 (4) jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mill-Konvenzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE.

2.1.3

Fil-Komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (5), il-Kummissjoni impenjat ruħha li “tikkunsidra tirrevedi r-Regolament ta' Aarhus biex ittejjeb l-aċċess għall-istħarriġ amministrattiv u ġudizzjarju fil-livell tal-UE għaċ-ċittadini u għall-NGOs li huma mħassba dwar il-legalità ta' deċiżjonijiet b'effetti fuq l-ambjent” u biex “tieħu wkoll azzjoni biex ittejjeb l-aċċess tagħhom għall-ġustizzja quddiem il-qrati nazzjonali fl-Istati Membri kollha”.

2.1.4

Fl-14 ta' Ottubru 2020, il-Kummissjoni Ewropea adottat proposta leġiżlattiva li temenda r-Regolament ta' Aarhus (6) bl-objettiv iddikjarat li “tittejjeb l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Aarhus” billi ssir reviżjoni tal-mekkaniżmu tar-rieżami amministrattiv" għall-benefiċċju tal-NGOs fir-rigward ta' atti u ommissjonijiet amministrattivi tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE".

2.1.5

Il-Kummissjoni Ewropea enfasizzat fil-proposta tagħha, abbażi tas-sentenzi tal-QĠUE dwar ir-rilevanza tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus fl-ordni ġuridiku tal-UE, li l-proċeduri ġudizzjarji u amministrattivi relatati mal-aċċess għall-ġustizzja fil-qasam tal-liġi ambjentali huma “fil-prinċipju” koperti mil-liġi tal-Istati Membri. Għaldaqstant, kull titjib fl-aċċess għar-rieżami amministrattiv u ġudizzjarju fil-livell tal-UE jikkomplementa l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali tal-UE fil-livell tal-qrati nazzjonali tal-Istati Membri.

2.1.6

Il-qrati nazzjonali huma obbligati li jagħtu l-aċċess għall-ġustizzja b’rabta ma’ kwistjonijiet ambjentali, skont l-Artikoli 9(2) u 9(3) tal-Konvenzjoni, anki meta tkun qed tiġi implimentata l-liġi ambjentali tal-UE. Madankollu, jekk fil-livell nazzjonali l-NGOs ikkonċernati jiskopru nuqqasijiet fil-proċeduri amministrattivi adottati, huma għandhom l-ewwel ifittxu rimedju mill-qorti nazzjonali kompetenti fl-Istat Membru. L-NGOs sussegwentement jiksbu aċċess għall-QĠUE skont il-proċedura ta’ referenza preliminari skont l-Artikolu 267 tat-TFUE. Din il-proċedura tista’ tikkonċerna wkoll il-validità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-UE.

2.2   Kontenut essenzjali tad-dokument tal-Kummissjoni Ewropea

2.2.1

L-emendi proposti mill-Kummissjoni huma maħsuba b'mod partikolari biex itejbu l-possibbiltajiet għall-NGOs ambjentali biex jitolbu lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jagħmlu rieżami ta' atti fejn l-NGOs iqisu li jistgħu jiksru d-dritt tal-UE relatat mal-ambjent.

2.2.2

Dan għandu jrawwem il-ftuħ u r-responsabbiltà fir-rigward tal-protezzjoni ambjentali, jikkontribwixxi għal trasparenza akbar u għal ilħuq aktar effettiv tal-objettivi ambjentali tal-UE u, għalhekk, jgħin biex jinkisbu l-bidliet sistemiċi tas-soċjetà meħtieġa mill-Patt Ekoloġiku Ewropew.

2.2.3

Il-proposta temenda r-Regolament (KE) Nru 1367/2006 li ġie adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fl-2006, wara r-ratifika mill-UE tal-Konvenzjoni ta' Aarhus fl-2005.

2.2.4

Fl-2017, il-Kumitat ta' Konformità taħt il-Konvenzjoni sab li l-UE kienet naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha li jikkonċernaw l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali. Il-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni hija maħsuba biex tindirizza dawn is-sejbiet.

2.2.5

Il-proposta leġiżlattiva hija akkumpanjata minn Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (7) li għandha l-għan li tiffaċilita l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali għall-individwi u l-NGOs fl-Istati Membri tal-UE.

2.2.6

L-awtoritajiet nazzjonali u lokali jieħdu ħafna deċiżjonijiet importanti meta japplikaw il-liġijiet ambjentali tal-UE, pereżempju meta jagħtu permessi għal proġetti ta' infrastruttura jew installazzjonijiet industrijali li jistgħu jniġġsu n-natura u l-ħamrija, l-arja jew l-ilma.

2.2.7

Huwa importanti li jitjieb l-iskrutinju pubbliku ta' dawn id-deċiżjonijiet ukoll. Il-Kummissjoni se tieħu miżuri biex tgħin lill-Istati Membri jtejbu s-sistemi tagħhom bħat-taħriġ, il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet, iżda hija lesta wkoll li tieħu azzjoni legali f'każ ta' ksur tad-dritt tal-UE.

2.3   Il-passi li jmiss

2.3.1

Il-proposta tal-Kummissjoni issa għandha tiġi nnegozjata u adottata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Il-Kummissjoni se timpenja ruħha b'mod kostruttiv maż-żewġ istituzzjonijiet biex tiffaċilita l-adozzjoni tar-Regolament ta' Aarhus rivedut qabel il-laqgħa tal-Partijiet fil-Konvenzjoni ta' Aarhus f'Ottubru 2021.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE jfakkar il-konklużjonijiet mill-Opinjoni preċedenti tiegħu dwar L-aċċess għall-ġustizzja f'livell nazzjonali b'rabta ma' miżuri li jimplimentaw il-liġi ambjentali tal-UE (8):

3.1.1

filwaqt li jirrikonoxxi li l-konsistenza fl-Aċċess għall-Ġustizzja madwar l-UE hija fattur essenzjali li jirfed is-suq uniku u l-implimentazzjoni konsistenti tad-drittijiet fl-Unjoni li joriġinaw mid-dritt tal-UE, u jipprovdi ċ-ċarezza u ċ-ċertezza meħtieġa għas-swieq u għall-investituri;

3.1.2

jappoġġja l-Konvenzjoni ta' Aarhus u l-implimentazzjoni sħiħa tagħha mill-UE u fi ħdanha. Huwa għalhekk essenzjali li s-sejbiet dwar il-konformità tal-Kumitat għall-Konformità mal-Konvenzjoni ta' Aarhus (ACCC), maħtur mill-Partijiet, ikunu kompletament approvati mill-Partijiet;

3.1.3

f'kuntest globali ta' intimidazzjoni u persekuzzjoni ta' difensuri ambjentali, jitlob lill-UE biex tkun mexxejja fl-iffaċilitar tal-Aċċess għall-Ġustizzja;

3.1.4

jagħti prijorità, flimkien mal-NGOs ambjentali u s-soċjetà ċivili, lil approċċ wiesa' u ambizzjuż għall-metodi u l-oqsma li fihom l-UE tista' ttejjeb l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi ħdan u mill-Istituzzjonijiet tal-UE. Għandhom jiġu indirizzati wkoll approċċ parallel u komplementari għall-Aċċess għall-Ġustizzja fi ħdan u mill-istituzzjonijiet tal-UE, gwida assoċjata u attivitajiet ta' implimentazzjoni.

3.2

Il-KESE jfakkar ukoll il-pożizzjoni tiegħu fl-Opinjoni dwar L-azzjonijiet tal-UE biex titjieb il-konformità ambjentali u l-governanza (9) li n-nuqqasijiet attwali qed jimminaw il-fiduċja taċ-ċittadini fl-effettività tal-leġiżlazzjoni tal-UE, u jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni Ewropea biex jimmobilizzaw finanzjament sostanzjali għar-reklutaġġ ta' persunal addizzjonali, sabiex tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni tal-governanza u l-leġiżlazzjoni ambjentali.

3.3

Il-KESE, b'referenza għall-Opinjoni tiegħu dwar Rwol aktar kostruttiv għas-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni tal-liġi ambjentali (10), jerġa' jistieden lill-Kummissjoni:

3.3.1

biex taħdem fuq it-titjib fl-aċċess għall-ġustizzja għas-soċjetà ċivili eż. bid-dritt li l-OSĊ jippreżentaw ruħhom quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u li jkun hemm imħallfin u prosekuturi speċjalizzati fil-livelli tal-UE, nazzjonali u lokali;

3.3.2

biex tippermetti lill-individwi javviċinaw direttament lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, bħal fil-każ tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB), meta t-traspożizzjoni tad-dritt tal-UE fil-liġi nazzjonali hija mhedda u r-rimedji domestiċi jkunu ġew eżawriti.

3.3.3

biex tqis l-istabbiliment ta' mandat ta' inibizzjoni ambjentali għal kwistjonijiet li mhumiex emerġenzi, li l-Istati Membri għandhom jikkonformaw magħhom, fejn ix-xogħol jiġi sospiż sakemm tittieħed deċiżjoni mill-Qorti Ġenerali fil-każ li jkun hemm xi ħsara immedjata lill-ambjent;

3.3.4

biex toħloq mekkaniżmu adatt sabiex il-multi li jitħallsu għal ħsara ambjentali jiġu investiti f'azzjonijiet immirati għall-appoġġ tal-ħarsien ambjentali.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-KESE jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex jissaħħaħ il-mekkaniżmu ta' rieżami intern li jinsab fir-Regolament ta' Aarhus u japprezza l-potenzjal tiegħu.

4.2

Il-KESE jappoġġja l-erba' azzjonijiet ta' prijorità identifikati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, jiġifieri l-obbligu tal-Istat Membru biex jittrasponi bis-sħiħ u b'mod korrett ir-rekwiżiti tal-aċċess għall-ġustizzja li jirriżultaw mil-liġi sekondarja tal-UE, il-ħtieġa li l-koleġiżlaturi jinkludu dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għall-ġustizzja fil-leġiżlazzjoni ġdida u riveduta tal-UE dwar kwistjonijiet ambjentali, li l-Istati Membri jwettqu rieżami tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolatorji nazzjonali tagħhom li jipprevjenu jew ixekklu l-aċċess għall-ġustizzja, u l-obbligu tal-qrati nazzjonali biex jiggarantixxu id-dritt tal-individwi u tal-NGOs għal rimedju effettiv skont id-dritt tal-UE.

4.3

Madanakollu, il-KESE jenfasizza li dawn l-azzjonijiet ma jissostitwixxux l-aċċess adegwat għall-QĠUE permezz tat-talba għal rieżami intern, u jew il-ħtieġa għal direttiva orizzontali li tirregola l-aċċess għall-ġustizzja fil-livell tal-Istati Membri.

4.4

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li jissaħħu l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-liġi ambjentali tal-UE mill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE fid-dawl tal-bżonn li l-Patt Ekoloġiku jagħti r-riżultati relatati mal-miri u l-wegħdiet tiegħu.

4.5

Għalhekk, il-KESE jwissi lill-Kummissjoni dwar il-fatt li din il-proposta fiha lakuni problematiċi li jistgħu jintużaw mill-istituzzjonijiet biex jevitaw li jinżammu responsabbli.

4.6

Il-KESE jfakkar lill-Kummissjoni li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi l-imsieħba soċjali kollha, qed jitolbu lill-UE għal mekkaniżmi ta' infurzar b'saħħithom li jippermettulhom iżommu lill-istituzzjonijiet tal-UE responsabbli f’każ li ma jagħtux riżultati għall-ambjent u s-saħħa tal-bniedem.

4.7

Il-KESE jqis li, mingħajr bidliet adatti, din il-proposta la se żżomm lill-istituzzjonijiet tal-UE responsabbli, u lanqas mhi se tiżgura konformità mal-impenji tal-UE b'rabta mad-dritt internazzjonali.

4.8

Il-KESE ma jaqbilx mal-proposta tal-Kummissjoni li jiġu esklużi l-atti tal-UE li jinvolvu “miżuri nazzjonali ta’ implimentazzjoni”. Hemm possibbiltà reali li din l-esklużjoni tista' tħassar jew telimina l-valur tal-proposta tal-Kummissjoni.

4.9

Peress li ħafna drabi mhuwiex ċar liema atti tal-UE se jinvolvu miżuri ta' implimentazzjoni, il-KESE jemmen li d-dewmien u l-inċertezza legali jistgħu jiġu evitati, kieku l-proposta ma tkunx tippermetti biss lill-OSĊ jitolbu rieżami ta' tali atti ladarba jiġu adottati l-miżuri ta' implimentazzjoni. Il-KESE huwa mħasseb li t-test tal-proposta jista' jiżola ħafna, jekk mhux il-maġġoranza, tal-atti tal-UE u l-omissjonijiet mir-rieżami intern. Il-KESE jenfasizza f'dan ir-rigward li l-aċċess għall-qrati nazzjonali bil-potenzjal ta' referenza preliminari mhuwiex sostitut għall-aċċess għall-mekkaniżmu ta' rieżami intern.

4.10

Il-KESE jqis li d-definizzjoni tal-atti amministrattivi għandha tiġi allinjata mal-każistika li ilha stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE), sabiex l-atti kollha “legalment vinkolanti” jkunu koperti mill-mekkaniżmu ta' rieżami intern, inklużi l-atti preparatorji li huma l-bażi tar-regolamenti, u b’hekk jikkonformaw mal-prinċipju tal- prekawzjoni li huwa fundamentali għal-litigazzjoni ambjentali.

4.11

Il-KESE jqis ukoll li d-definizzjoni ta’ atti amministrattivi soġġetti għal kontroll amministrattiv u ġudizzjarju mhijiex eżawrjenti, u teħtieġ kjarifika espliċita fis-sens li l-atti amministrattivi kollha relatati mal-ambjent jistgħu jiġu eżaminati.

4.12

Il-KESE jqis ukoll li atti tal-UE li mhumiex legalment vinkolanti jista’ jkollhom effetti sinifikanti kemm fuq l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE kif ukoll fuq l-interpretazzjoni tagħha mill-QĠUE. Dawn it-tipi ta’ atti għandhom għalhekk ikunu koperti wkoll mill-mekkaniżmu ta’ rieżami intern.

4.13

Il-KESE jenfasizza wkoll li l-proposta għandha tippermetti rieżami intern tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat. Kif ikkonfermat mill-QĠUE (11), il-Kummissjoni Ewropea għandha tikkonforma mal-liġi ambjentali tal-UE meta tadotta deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat u għalhekk huwa kruċjali li dawn id-deċiżjonijiet jistgħu jiġu kkontestati mill-OSĊ meta dawn iqisu li l-Kummissjoni naqset milli tissodisfa dan ir-rekwiżit.

4.14

Il-KESE jqis li l-protezzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili minn piżijiet żejda (bħal spejjeż addizzjonali u miżuri burokratiċi) kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-UE għandha tiġi żgurata b’mod xieraq sabiex l-istħarriġ ġudizzjarju jkun aċċessibbli fil-prattika.

4.15

Ir-Regolament ta' Aarhus għandu jispeċifika li l-istħarriġ ġudizzjarju tal-QĠUE ta' deċiżjoni ta' rieżami intern għandu jkopri l-legalità sostantiva u proċedurali tad-deċiżjoni.

4.16

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal regolamentazzjoni koerenti, fis-sens li kwalunkwe skadenza proċedurali għall-kontroll amministrattiv u/jew ġudizzjarju tapplika biss ladarba ikun magħruf il-kontenut tal-att amministrattiv ikkontestat relatat mal-interess pubbliku ewlieni protett mil-liġi ambjentali u l-irriversibbiltà tal-ħsara ekoloġika. Dan huwa meħtieġ sabiex jiġu evitati prattiki li jistgħu jiksru l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u l-każistika tal-QĠUE (ara l-Kawża C-261/18, Il-Kummissjoni vs l-Irlanda (12)), u jagħtu lok għall-arbitrarjetà.

4.17

Fl-aħħar imma mhux l-inqas, l-imsieħba soċjali huma atturi ewlenin fi kwistjonijiet ambjentali, u l-KESE għalhekk jappella biex jiġu rikonoxxuti b’mod espliċitu fir-rigward tal-aċċess għall-ġustizzja. Il-KESE jqis li l-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ Aarhus bħalissa huwa inkompatibbli mal-Artikolu 2(5) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u li għandu jiġi emendat sabiex ma jillimitax l-aċċess tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għall-ġustizzja, sakemm ikun biżżejjed li organizzazzjoni mhux governattiva jkollha, fost affarijiet oħra, l-għan tal-protezzjoni ambjentali.

Brussell, is-27 ta’ Jannar 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  https://ec.europa.eu/environment/aarhus/pdf/legislative_proposal_amending_aarhus_regulation.pdf

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 6 ta' Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, 25.9.2006, p. 13).

(3)  It-test tal-Konvenzjoni ta' Aarhus: https://www.unece.org/fileadmin/DAM/env/pp/documents/cep43e.pdf.

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006.

(5)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Il-Patt Ekoloġiku Ewropew – COM(2019) 640 final.

(6)  COM(2020) 642 final – https://ec.europa.eu/environment/aarhus/pdf/legislative_proposal_amending_aarhus_regulation.pdf .

(7)  COM(2020) 643 final – https://ec.europa.eu/environment/aarhus/pdf/communication_improving_access_to_justice_environmental_matters.pdf.

(8)  L-Opinjoni tal-KESE dwar “L-aċċess għall-ġustizzja f’livell nazzjonali b'rabta ma’ miżuri li jimplimentaw il-liġi ambjentali tal-UE” (Komunikazzjoni) (ĠU C 129, 11.04.2018, p. 65).

(9)  L-Opinjoni tal-KESE dwar “Azzjonijiet tal-UE għat-titjib tal-governanza u l-konformità ambjentali” (ĠU C 283, 10.08.2018, p. 83).

(10)  L-Opinjoni tal-KESE dwar “Rwol aktar kostruttiv għas-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni tal-liġi ambjentali” (ĠU C 47, 11.2.2020, p. 50).

(11)  Il-Kawża C-594/18 P, l-Awstrija vs. il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:2020:742, il-paragrafi 42 sa 46.

(12)  Il-kawża C- C-261/18 – Il-Kummissjoni vs. l-Irlanda (Derrybrien Wind Farm), ECLI:EU:C:2019:955, paragrafi 80 u 95.


9.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/72


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi programm ta’ dokumentazzjoni tal-qbid għat-tonn (Thunnus thynnus) u li jirrevoka r-Regolament (UE) Nru 640/2010”

[COM(2020) 670 final – 2020/0302 (COD)]

(2021/C 123/11)

Relatur uniku:

Florian MARIN

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 11.11.2020

Kunsill, 11.11.2020

Bażi legali

Artikoli 3(1)(d) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

11.1.2021

Opinjoni adottata fil-plenarja

27.1.2021

Sessjoni plenarja Nru

557

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

250/0/9

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jqis li l-adozzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT) hija importanti u adatta minħabba li l-UE ilha parti kontraenti tal-ICCAT sa mill-1986 u trid tiżgura l-konformità mal-miżuri kollha approvati mill-ICCAT fid-dritt tal-UE.

1.2

Il-KESE jirrakkomanda li l-iffaċilitar u l-iżgurar tal-aċċess għar-riżorsi tal-informazzjoni u l-assistenza teknika għas-sajjieda u l-atturi fil-katina tad-distribuzzjoni biex jużaw il-Programm elettroniku għad-Dokument dwar il-Qabdiet tat-Tonn (eBCD) iridu jibqgħu prijorità għall-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri.

1.3

L-iskadenzi stipulati fil-livell tar-Rakkomandazzjoni 18-13 tal-ICCAT iridu jqisu l-impatt u s-sitwazzjoni tal-pandemija tal-COVID-19, inkluża l-possibbiltà ta’ dewmien biex jintlaħqu r-rekwiżiti ta’ rappurtar imposti mill-ICCAT.

1.4

Il-KESE jqis li għandhom isiru l-isforzi kollha meħtieġa biex jiġu żgurati l-konformità, l-akkuratezza u s-sinerġija bejn il-BCDs u l-eBCDs, kif ukoll proċess effiċjenti ta’ traċċabbiltà, validazzjoni u verifika.

1.5

Il-KESE jqis li l-Artikolu 4 huwa parzjalment meħud mir-Rakkomandazzjoni 18-13, Parti II, Validazzjoni tal-BCDs, punt 11 li jgħid li l-proċess ta’ validazzjoni għal kull tunnellata maqbuda, żbarkata, imqiegħda fil-gaġeġ, maħsuda mill-gaġeġ għall-qatla trasbordata, ikkummerċjalizzata domestikament jew esportata għandha titwettaq kull darba li jsir żbark, trasferiment, qbid mill-ġaġeġ għall-qatla, trasbord, kummerċjalizzazzjoni domestika jew esportazzjoni tat-tonn.

1.6

Il-KESE jirrakkomanda li l-proposta tiġi estiża fuq il-bażi tar-Rakkomandazzjoni 18-13, Parti II tal-ICCAT – Validazzjoni tal-BCDs, punt 12, li jirregola sitwazzjonijiet li fihom it-taqsima tal-format tal-BCD ma tipprovdix biżżejjed spazju biex jiġi żgurat it-trekkjar sħiħ tat-tonn mill-qbid sas-suq. Jista’ jinhemeż anness mal-BCD oriġinali bl-użu tal-format u n-numru tal-BCD oriġinali.

1.7

Il-KESE jirrakkomanda li mal-Artikolu 2(5)(b) tiżdied il-kelma “nassa” bħal fl-Artikolu 2(5)(a). B’dan il-mod jiġi jinqara hekk: “il-kummerċ, fi Stat Membru wieħed jew bejn żewġ Stati Membri jew aktar, ta’ tonn maqbud fiż-żona tal-Konvenzjoni minn bastiment tal-qbid jew nassa tal-Unjoni, u li jitqiegħed f’gaġġa f’farm stabbilit fit-territorju tal-Unjoni”.

1.8

Il-KESE jirrakkomanda li mal-Artikolu 3(2) tiżdied il-kelma “lott”. B’dan il-mod jiġi jinqara hekk: “Għandu jimtela BCD għal kull lott ta’ tonn li jinqabad minn bastiment tas-sajd jew nassa, ittrasferit, li jinħatt l-art jew li jiġi ttrasbordat fil-portijiet minn bastimenti tas-sajd jew nases, jew li jitqiegħed f’gaġeġ jew jinqabad għall-qatla mill-farms.”

1.9

Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-impatt tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 5, 3, (b) minħabba li għalkemm hija rakkomandazzjoni tal-ICCAT, se tirrikjedi li l-kumpaniji jbiddlu l-loġistika tagħhom – żarmar tal-palits u identifikazzjoni mill-ġdid ta’ kull pakkett.

1.10

Il-KESE jixtieq li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jikkunsidraw ir-reġistrazzjoni u l-validazzjoni tal-partijiet tal-ħut, anke mingħajr il-validazzjoni tat-tqegħid fil-gaġeġ, sabiex jiġi massimizzat il-valur u jiġi evitat l-iskart. Fil-preżent, meta t-tonn imut wara li jasal fil-farm, ma jistax jinbiegħ minħabba li t-tqegħid fil-gaġeġ ikunu għadu ma ġiex validat. It-tqegħid fil-gaġeġ jiddependi minn valutazzjoni li ssir b’kameras sterjoskopiċi, li tieħu madwar xahrejn, u għalhekk dawn l-eżemplari ta' ħut iridu jiġu ffriżati jew meqruda. Dan huwa kontra l-inizjattivi tal-Kummissjoni dwar it-telf u l-ħela tal-ikel.

2.   Sommarju tal-proposta tal-Kummissjoni

2.1

L-għan ta’ din il-proposta (1) huwa li l-miżuri ġodda ta’ Dokumentazzjoni dwar il-Qabdiet tat-Tonn adottati mill-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT), li l-Unjoni Ewropea ilha parti kontraenti tagħha sa mill-1986, jiġu trasposti fid-dritt tal-Unjoni.

2.2

Il-Konvenzjoni ICCAT tipprevedi qafas għall-kooperazzjoni reġjonali dwar il-konservazzjoni u l-ġestjoni tat-tonn u speċijiet simili għat-tonn fl-Oċean Atlantiku u fl-ibħra ta’ madwaru, u għall-adozzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet applikabbli fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT li jsiru vinkolanti għall-Partijiet Kontraenti.

2.3

L-Unjoni Ewropea għalhekk għandha l-obbligu li tiżgura l-konformità mal-miżuri kollha approvati mill-ICCAT fid-dritt tal-UE. Ir-Regolament propost iħassar ir-Regolament (UE) Nru 640/2010 tas-7 ta’ Lulju 2010 billi jintegra miżuri ġodda tal-ICCAT relatati mal-użu obbligatorju tal-Programm elettroniku għad-Dokument dwar il-Qabdiet tat-Tonn (eBCD) bil-ħsieb li tiġi identifikata l-oriġini tat-tonn kollu, u b’hekk il-BCDs stampati jkunu permessi biss f’każijiet ta’ eċċezzjoni.

2.4

Il-proposta tipprevedi li l-Kummissjoni tingħata setgħat delegati, skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jippermettulha tinkorpora malajr fid-dritt tal-UE emendi futuri għar-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT.

2.5

Jenħtieġ li l-leġiżlazzjoni tal-UE timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT sabiex tpoġġi lis-sajjieda tal-UE u ta' pajjiżi terzi fl-istess livell u sabiex tiżgura li r-regoli jiġu aċċettati u implimentati bis-sħiħ minn kulħadd.

2.6

Il-miżuri previsti fil-Proposta jikkonċernaw l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tad-Dokument dwar il-Qabdiet tat-Tonn u ċ-ċertifikat ta’ riesportazzjoni, il-validazzjoni tiegħu mill-Istati Membri, ir-reġistrazzjoni u l-validazzjoni tal-qabdiet u t-transazzjonijiet sussegwenti fis-sistema tal-eBCD, id-dispożizzjonijiet dwar l-ittaggjar, il-verifiki tal-informazzjoni mill-Istati Membri u r-rappurtar annwali lill-ICCAT.

2.7

Il-kaptani tal-bastimenti tal-qbid, l-operaturi tan-nases, l-operaturi tal-farm, il-bejjiegħa u l-esportaturi jridu jimlew BCD għal kull lott ta’ tonn maqbud, żbarkat, miżmum fil-gaġeġ, maqbud mill-ġaġeġ għall-qatla, trażbordat, kummerċjalizzat domestikament jew esportat. It-tranżazzjonijiet kummerċjali kollha jridu jiġu rreġistrati u vvalidati fis-sistema tal-eBCD.

2.8

Kull lott ta’ tonn riesportat irid ikollu miegħu Ċertifikat ta’ Riesportazzjoni tat-Tonn ivvalidat mill-Istat Membru. L-operatur responsabbli mir-riesportazzjoni joħroġ iċ-Ċertifikat ta’ Riesportazzjoni tat-Tonn u jitlob il-validazzjoni.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE jqis li huwa adatt u importanti li l-miżuri adottati mill-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT), li għandhom rwol ta’ benefiċċju fil-ġestjoni tal-istokkijiet tat-tonn, jiġu trasposti fid-dritt tal-UE. Il-KESE jilqa’ l-isforzi li saru mill-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri biex jikkonformaw mal-kundizzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet kollha magħmula mill-ICCAT billi jittrasponuhom f’leġiżlazzjoni speċifika, peress li kellhom impatt kemm ekonomiku kif ukoll soċjali fil-livell tal-Istati Membri.

3.2

Il-KESE japprezza l-isforzi u s-sagrifiċċji li għamlu l-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-industrija tas-sajd biex l-istokkijiet tat-tonn jirkupraw permezz ta’ applikazzjoni stretta tar-regoli tal-ICCAT. Il-ġestjoni tal-istokkijiet tat-tonn fil-Lvant tal-Oċean Atlantiku u fil-Mediterran hija storja ta’ suċċess, peress li l-istokkijiet jinsabu f’livell għoli storiku.

3.3

Il-KESE jaqbel b’mod ġenerali mar-regolament propost, peress li jittrasponi rakkomandazzjoni tal-ICCAT. Fl-istess ħin, il-KESE jqis li l-eżistenza u l-użu ta’ sistema ta’ dokumentazzjoni elettronika għamluha possibbli li tinġabar u tintuża data b’mod aktar rapidu dwar it-traċċabbiltà tat-tonn, sistema li ilha implimentata bis-sħiħ minn Jannar 2017. L-użu ta’ soluzzjonijiet diġitali biex jiġi żgurat il-kontroll tas-sostenibbiltà tal-istokkijiet tat-tonn jiffaċilita l-interpretazzjoni aktar faċli u aktar effiċjenti tad-data.

3.4

Il-KESE jirrakkomanda konformità mar-regoli u r-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-ICCAT u trasposti mill-Unjoni Ewropea fil-leġiżlazzjoni tagħha biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ġusti u ekwi għas-sajjieda kollha.

3.5

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri jiffaċilitaw u jiżguraw l-aċċess għar-riżorsi tal-informazzjoni u l-assistenza teknika għas-sajjieda u l-atturi fil-katina tad-distribuzzjoni biex jużaw is-sistema tal-eBCD b’mod korrett, b’mod li jkun kemm konformi kif ukoll effiċjenti.

3.6

L-iskadenzi stipulati fil-livell tar-Rakkomandazzjoni 18-13 tal-ICCAT iridu jqisu l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19, filwaqt li jirrikonoxxu l-possibbiltà ta’ dewmien biex jintlaħqu r-rekwiżiti ta’ rappurtar imposti mill-ICCAT.

3.7

Il-KESE jirrakkomanda li jsiru l-isforzi kollha meħtieġa biex jiġu żgurati l-konformità, l-akkuratezza u s-sinerġija bejn il-BCDs u l-eBCDs sabiex is-sistema ta’ traċċabbiltà u rappurtar tad-dokumentazzjoni tat-tonn tirnexxi u tkun konformi, speċjalment fil-każ ta’ eċċezzjonijiet u derogi msemmija fir-rakkomandazzjoni 18-13.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-KESE jqis li l-Artikolu 4 huwa parzjalment meħud mir-Rakkomandazzjoni 18-13, Parti II, Validazzjoni tal-BCDs, punt 11 li jgħid li l-proċess ta’ validazzjoni għal kull tunnellata maqbuda, żbarkata, imqiegħda fil-gaġeġ, maħsuda mill-gaġeġ, trasbordata, ikkummerċjalizzata domestikament jew esportata għandha titwettaq kull darba li jsir żbark, trasferiment, qbid mill-ġaġeġ għall-qatla, trasbord, kummerċjalizzazzjoni domestika jew esportazzjoni tat-tonn.

4.2

Il-KESE jirrakkomanda li l-proposta tiġi estiża fuq il-bażi tar-Rakkomandazzjoni 18-13, Parti II tal-ICCAT – Validazzjoni tal-BCDs, punt 12, li tirregola sitwazzjonijiet li fihom it-taqsima tal-format tal-BCD ma tipprovdix biżżejjed spazju biex jiġi żgurat it-trekkjar sħiħ tat-tonn mill-qbid sas-suq. Jista’ jinhemeż anness mal-BCD oriġinali bl-użu tal-format u n-numru tal-BCD oriġinali għall-każijiet rari li fihom dan jista’ jkun meħtieġ.

4.3

Il-KESE jirrakkomanda li mal-Artikolu 2(5)(b) tiżdied il-kelma “nassa” bħal fl-Artikolu 2(5)(a), sabiex jiġi jinqara hekk: “il-kummerċ, fi Stat Membru wieħed jew bejn żewġ Stati Membri jew aktar, ta’ tonn maqbud fiż-żona tal-Konvenzjoni minn bastiment tal-qbid jew nassa tal-Unjoni, u li jitqiegħed f’gaġġa f’farm stabbilit fit-territorju tal-Unjoni”.

4.4

Il-KESE jirrakkomanda li mal-Artikolu 3(2) tiżdied il-kelma “lott”, sabiex jiġi jinqara hekk: “Għandu jimtela BCD għal kull lott ta’ tonn li jinqabad minn bastiment tas-sajd jew nassa, ittrasferit, li jinħatt l-art jew li jiġi ttrasbordat fil-portijiet minn bastimenti tas-sajd jew nases, jew li jitqiegħed f’gaġeġ jew jinqabad għall-qatla mill-farms.”

4.5

Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-impatt tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 5, 3, (b) minħabba li għalkemm hija rakkomandazzjoni tal-ICCAT, se tirrikjedi li l-kumpaniji jbiddlu l-loġistika tagħhom – żarmar tal-palits u identifikazzjoni mill-ġdid ta’ kull pakkett.

4.6

Il-KESE jixtieq li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jikkunsidraw ir-reġistrazzjoni u l-validazzjoni tal-partijiet tal-ħut, anke mingħajr il-validazzjoni tat-tqegħid fil-gaġeġ, sabiex jiġi massimizzat il-valur u jiġi evitat l-iskart. Fil-preżent, meta t-tonn imut wara li jasal fil-farm, ma jistax jinbiegħ minħabba li t-tqegħid fil-gaġeġ ikunu għadu ma ġiex validat. It-tqegħid fil-gaġeġ jiddependi minn valutazzjoni li ssir b’kameras sterjoskopiċi, li tieħu madwar xahrejn, u għalhekk dawn l-eżemplari ta' ħut iridu jiġu ffriżati jew meqruda. Dan huwa kontra l-inizjattivi tal-Kummissjoni dwar it-telf u l-ħela tal-ikel.

Brussell, is-27 ta’ Jannar 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri ta’ ġestjoni, ta’ konservazzjoni u ta’ kontroll applikabbli fiż-żona tal-Konvenzjoni Inter-Amerikana għat-Tonn Tropikali u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 520/2007 (COM/2020/308 final): https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A52020PC0308&qid=1603701098515.


9.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/76


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2030”

(COM(2020)652 final — 2020/0300 (COD))

(2021/C 123/12)

Relatur ġenerali:

Lutz RIBBE

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 11.11.2020

Kunsill, 5.11.2020

Bażi legali

Artikoli 192(1) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Deċiżjoni tal-Bureau

1.12.2020

Adottata fis-sessjoni plenarja

27.1.2021

Sessjoni plenarja Nru

557

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

227/4/4

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jista’ jara biss valur miżjud marġinali ħafna fil-proposta attwali għat-8 Programm ta’ Azzjoni Ambjentali (EAP). Dan huwa dovut għat-titjib imħabbar fil-mudell ta’ monitoraġġ u fis-sistema ta’ rappurtar. Mill-bqija, il-proposta tiffoka fuq deskrizzjonijiet ġenerali tas-sitwazzjoni u memoranda ta’ qbil aktar milli fuq is-sustanza u l-azzjonijiet. Iżda għal governanza aħjar biss ma hemmx il-ħtieġa ta’ “programm ta’ azzjoni”.

1.2.

Il-KESE jistaqsi jekk it-8 EAP ta’ dan it-tip huwiex verament meħtieġ biex jagħti spinta ulterjuri lill-politika ambjentali tal-UE, politika li, bis-saħħa tal-Patt Ekoloġiku Ewropew waslet fil-qalba tal-oqsma ta’ politika tal-UE.

1.3.

Il-KESE jemmen li l-proposta inkwistjoni, fil-parti l-kbira, tikkonferma l-perspettiva tiegħu, dik li ilu jtenni għal ħafna snin: li m’hemmx nuqqas ta’ għarfien dwar dak li hemm bżonn isir. Hemm nuqqas ta’ implimentazzjoni ta’ miżuri li ilna nafu dwarhom, ħafna drabi deċiżi żmien ilu, u nuqqas ta’ rieda politika.

1.4.

Il-KESE għalhekk jara benefiċċju, pereżempju, fl-inizjattivi strateġiċi ppreżentati mill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, bħall-Istrateġija għall-Bijodiversità, l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” u l-Pjan ta’ Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari, bir-rekwiżiti dettaljati rispettivi tagħhom, li huma integrati u inklużi fit-8 EAP. Barra minn hekk: il-Kunsill u l-Parlament Ewropew jistgħu wkoll jobbligaw lill-Kummissjoni, permezz tat-8 EAP, biex tkompli u tapprofondixxi l-Patt Ekoloġiku Ewropew, billi jagħtuha mandat espliċitu biex tippreżenta, mhux aktar tard mill-mandat il-ġdid, proposta leġiżlattiva għal “Aġenda tal-UE għall-2050” (bħala l-“Patt Ekoloġiku Ewropew 2” emendat u estiż), li żżid lista konkreta u dettaljata ta’ miżuri bħala appendiċi għat-8 EAP. Madankollu, ma sar l-ebda pjan għal dan.

1.5.

Għalhekk, il-KESE jappella għal dibattitu fundamentali dwar it-tifsira u l-utilità tal-programmi ta’ azzjoni ambjentali u jtenni t-talba tiegħu biex titfassal “Aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-UE għall-2050” proprja. Huwa jqis li l-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa bażi tajba u soda għal dan.

2.   Kuntest tal-Opinjoni

Programmi ta’ azzjoni ambjentali tal-UE

2.1.

Il-programmi ta’ azzjoni ambjentali (EAPs) fil-livell tal-UE ilhom fis-seħħ mill-bidu tas-snin 1970, u s-7 EAP wasal fi tmiemu fil-31 ta’ Diċembru 2020.

2.2.

Fil-proposta tagħha għat-8 EAP, il-Kummissjoni tiddeskrivi l-programmi ambjentali bħala dawk li “jiggwidaw l-iżvilupp tal-politika ambjentali tal-UE”. Madankollu, jeħtiġilha tammetti wkoll indirettament li, fl-aħħar mill-aħħar, dawn il-programmi ma kellhomx l-effett imwiegħed. Hija tikkonkludi li “l-progress relatat mal-ħarsien tan-natura, is-saħħa u l-integrazzjoni tal-politika ma kienx biżżejjed”. Hija tirreferi għar-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, “The European Environment — State and Outlook 2020”, [L-ambjent Ewropew — l-istat u l-prospettiva 2020 (mhux disponibbli bil-Mati)], ippubblikat f’Diċembru 2019, li jiddikjara li l-“isfidi ambjentali, klimatiċi u ta’ sostenibbiltà attwali huma ta’ skala u urġenza bla preċedent, u jeħtieġu azzjoni immedjata u konġunta u soluzzjonijiet sistemiċi”. Għaliex bil-“mudell ta’ tkabbir attwali, il-pressjonijiet ambjentali huma mistennija li jkomplu jiżdiedu, u dan jikkawża effetti diretti u indiretti ta’ ħsara fuq is-saħħa u l-benesseri tal-bniedem. Dan jgħodd b’mod speċjali għas-setturi bl-ogħla impatt ambjentali — l-ikel, il-mobbiltà, l-enerġija kif ukoll l-infrastruttura u l-bini.”

2.3.

Din id-dikjarazzjoni hija konformi mar-Rapport dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tal-Ewropa 2020, ippreżentat f’Diċembru li għadda min-Network ta’ Soluzzjonijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDSN) u l-Istitut għall-Politika Ambjentali Ewropea. Waħda mis-sejbiet ewlenin ta’ dan ir-rapport hija li l-isfidi ewlenin fl-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) li l-Ewropa qed tiffaċċja huma fl-oqsma tal-agrikoltura u l-ikel sostenibbli, il-klima u l-bijodiversità.

2.4.

Il-Kummissjoni tindika li bil-Patt Ekoloġiku, ippubblikat fil-11 ta’ Diċembru 2019, hija adottat aġenda ambizzjuża li se tkun ta’ għajnuna: (a) biex l-UE ssir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima sal-2050; (b) biex il-kapital naturali tal-UE jiġi mħares, ippreservat u msaħħaħ; (c) biex tipproteġi s-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini minn riskji u impatti ambjentali.

2.5.

Madankollu, il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni talbu lill-Kummissjoni biex tfassal proposta għat-8 EAP, li mbagħad tiġi deċiża mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew. Il-Kummissjoni ppreżentat din il-“Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2030” (it-8 EAP) fl-14 ta’ Ottubru 2020, kważi sena wara l-preżentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u xahrejn u nofs biss qabel tmiem is-7 EAP.

Kontenut tat-8 EAP

2.6.

It-8 EAP jikkonsisti biss f’sitt artikoli.

2.7.

Artikolu 2 jelenka l-objettivi ambjentali tal-UE li huma diġà magħrufa u rikonoxxuti wkoll mill-Kunsill u l-PE, bħat-tnaqqis tal-gassijiet serra, in-newtralità klimatika sal-2050, l-adattament għat-tibdil fil-klima, l-ambizzjoni ta’ tniġġis żero għal “ambjent ħieles mis-sustanzi tossiċi”, il-protezzjoni, il-preservazzjoni u r-restawr tal-bijodiversità, eċċ., u jiddikjara li dawn huma “objettivi tematiċi prijoritarji” tat-8 EAP. Madankollu, għall-kuntrarju tas-7 EAP, ma ġew deskritti l-ebda strumenti jew miżuri konkreti biex jinkisbu l-objettivi jew l-azzjonijiet ambjentali. Dan huwa sorprendenti, speċjalment peress li xi drabi jsiru asserzjonijiet li huma partikolarment ambizzjużi. Għan iddikjarat huwa “il-progress lejn mudell ta’ tkabbir riġenerattiv li jagħti lura lill-pjaneta aktar milli jieħu” (1).

2.8.

Bl-istess mod, Artikolu 3 isemmi biss “kundizzjonijiet” abilitanti li ilhom magħrufa u li huma meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi prijoritarji. Dawn jinkludu fost l-oħrajn:

l-implimentazzjoni effettiva u effiċjenti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-ambjent u l-klima,

l-integrazzjoni tal-objettivi prijoritarji stabbiliti fl-Artikolu 2 fl-istrateġiji, l-inizjattivi leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi, il-programmi, l-investimenti u l-proġetti rilevanti kollha fil-livelli tal-Unjoni, nazzjonali, reġjonali u lokali u

l-eliminazzjoni gradwali ta’ sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent fil-livell tal-Unjoni u f’dak nazzjonali.

2.9.

Artikolu 4 jiddeskrivi l-fokus attwali tat-8 EAP. Dan huwa li jtejjeb il-qafas ta’ monitoraġġ u s-sistema ta’ rappurtar sabiex dawk li jfasslu l-politika u l-pubbliku jingħataw ħarsa ġenerali aħjar tal-progress (jew in-nuqqasijiet). F’dan ir-rigward, pereżempju, il-KESE jinnota li l-Kunsill u l-KESE stess appellaw biex il-prestazzjoni ekonomika u l-progress soċjali jitkejlu abbażi ta’ indikaturi li “jmorru lil hinn mill-PDG”. Jeħtieġ li jiġu żviluppati wkoll “indikaturi ewlenin” għal monitoraġġ aħjar, pereżempju, tal-bijodiversità jew l-ekonomija ċirkolari. L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi għandhom rwol ewlieni x’jaqdu hawnhekk u għalhekk l-għadd tal-persunal tagħhom għandu jiżdied.

2.10.

Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 5, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni tat-8 EAP sal-31 ta’ Marzu 2029; għalhekk mhux previst rieżami ta’ nofs it-terminu.

2.11.

Artikolu 6 jirregola d-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni.

3.   Kummenti

3.1.

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li l-programmi ta’ azzjoni ambjentali ilhom jiggwidaw l-iżvilupp tal-politika ambjentali tal-UE. Madankollu, il-politika ambjentali tas-snin 70, 80 u 90 ma tistax titqabbel aktar ma’ dik tal-lum; dan iqajjem il-kwistjoni dwar ir-rwol u l-funzjoni tal-programmi ta’ azzjoni ambjentali.

3.2.

Għal din ir-raġuni, il-KESE jistaqsi jekk it-8 EAP huwiex verament meħtieġ biex jagħti spinta ulterjuri lill-politika ambjentali tal-UE, politika li, bis-saħħa tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, waslet fil-qalba tal-oqsma ta’ politika tal-UE. Din il-kwistjoni tidher aktar rilevanti minn qatt qabel peress li l-proposta għat-8 EAP hija kkaratterizzata minn deskrizzjonijiet tas-sitwazzjoni u dikjarazzjonijiet ta’ intenzjoni aktar ġenerali minn kontenut sostantiv u azzjonijiet konkreti. Dan huwa programm ta’ azzjoni mingħajr azzjoni!

3.3.

Naturalment, il-KESE m’għandu l-ebda dubju li l-prijoritajiet stabbiliti fl-Artikolu 2 huma validi u li l-“Kundizzjonijiet li jippermettu li jintlaħqu l-objettivi prijoritarji” msemmija fl-Artikolu 3 huma tajbin. Madankollu, x’inhu l-benefiċċju għall-politika ambjentali jekk it-8 EAP sempliċiment itenni l-objettivi stabbiliti diġà, fost l-oħrajn, fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, mingħajr lanqas ma jippreskrivi strumenti ta’ implimentazzjoni jew miżuri li jsiru vinkolanti permezz tad-deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew? U x’inhuma l-benefiċċji reali li sempliċiment jiġu elenkati l-“kundizzjonijiet” li ilhom magħrufa għal żmien twil, jekk ma jiġi ppreżentat u adottat l-ebda pjan vinkolanti biex jiġu żgurati dawn il-kundizzjonijiet?

3.4.

Il-KESE jemmen li l-proposta inkwistjoni, fil-parti l-kbira, tikkonferma l-perspettiva tiegħu, dik li ilu jtenni għal ħafna snin: li m’hemmx nuqqas ta’ għarfien dwar dak li hemm bżonn isir. Hemm nuqqas ta’ implimentazzjoni ta’ miżuri li ilna nafu dwarhom, ħafna drabi deċiżi żmien ilu, u ta’ rieda politika. Il-Kummissjoni u, sa ċertu punt il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ilhom snin jilmentaw dwar l-implimentazzjoni spiss inadegwata mill-Istati Membri ta’ ħafna mil-leġiżlazzjoni ambjentali eżistenti. Ebda programm ta’ azzjoni ambjentali ma jista’ jikkumpensa għal nuqqas ta’ implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni jew rieda politika.

3.5.

Anke fin-nuqqas ta’ programm ta’ azzjoni ambjentali, l-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri għandhom ħafna possibbiltajiet biex iwettqu l-wegħdiet tagħhom. Eżempju wieħed ta’ dan huwa l-politika tal-bijodiversità.

3.6.

Il-KESE jenfasizza li l-protezzjoni, il-konservazzjoni u r-restawr tan-natura ġew elenkati b’mod espliċitu fost l-“objettivi prijoritarji” tal-programmi ta’ azzjoni ambjentali kollha mit-2 EAP (1977-1981), kif inhu wkoll il-każ f’dan it-8 EAP. Ma jistax jingħad li l-baġit tal-programmi ta’ azzjoni ambjentali preċedenti huwa pożittiv jekk il-Kummissjoni, fl-Istrateġija tagħha għall-Bijodiversità ta’ Mejju 2020, xorta waħda ssib li “in-natura tinsab fi kriżi”, wara li l-bijodiversità ilha fil-qalba ta’ dawn il-programmi għal aktar minn 40 sena (!).

3.7.

Madankollu, lil hinn mill-programmi kollha ta’ azzjoni ambjentali, hemm ideat u proposti ċari dwar kif għandha tiġi rimedjata s-sitwazzjoni. Pereżempju, l-istrateġija għall-bijodiversità (2) ppreżentata mill-Kummissjoni fiha lista twila ta’ azzjonijiet. Kemm il-Kunsill kif ukoll il-Parlament Ewropew kellhom biżżejjed opportunità, fost l-oħrajn, fir-riforma tal-Politika Agrikola Komuni (PAK), biex jimplimentaw talbiet konkreti minnha. Din l-opportunità ntilfet. Għall-KESE mhuwiex ċar x’jista’ jtejjeb it-8 EAP, li għandu jiġi adottat mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew.

3.8.

Madankollu, dan jiċċara wkoll il-mod li bih it-8 EAP jista’ jkollu valur miżjud: l-integrazzjoni formali tal-Istrateġija għall-Bijodiversità, l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” (u dokumenti ta’ politika simili oħrajn) ppreżentati mill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku bir-rekwiżiti dettaljati ħafna tagħhom; il-Kunsill u l-Parlament għalhekk se joħorġu favur l-implimentazzjoni ta’ proposti konkreti.

3.9.

Barra minn hekk: il-Kunsill u l-Parlament Ewropew jistgħu wkoll jobbligaw lill-Kummissjoni, permezz tat-8 EAP, biex tkompli u tapprofondixxi l-Patt Ekoloġiku Ewropew, billi jagħtuha mandat espliċitu biex tippreżenta, mhux aktar tard mill-mandat il-ġdid, abbozz ta' liġi għal “Aġenda tal-UE għall-2050” (bħala l-“Patt Ekoloġiku Ewropew 2” emendat u estiż), li jżid lista konkreta u dettaljata ta’ miżuri bħala appendiċi għat-8 EAP.

3.10.

Madankollu, l-ebda wieħed minn dawn ma huwa attwalment previst, u huwa għalhekk li l-valur miżjud tat-8 EAP fil-forma attwali tiegħu huwa limitat għat-tħabbir ta’ titjib fil-mudell ta’ monitoraġġ u s-sistema ta’ rappurtar. Għalkemm dawn jistgħu jkunu importanti, għal monitoraġġ u governanza aħjar, m’hemmx bżonn ta’ “programm ta’ azzjoni”.

4.   Kummenti tal-għeluq

4.1.

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-importanza u l-impatt tal-aħħar Programmi ta’ Azzjoni Ambjentali u t-8 EAP li jmiss hija evidentement ogħla minn dik tal-KESE. Pereżempju, il-Kumitat ma jaqbilx mad-dikjarazzjoni li s-7 EAP “antiċipa l-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti”. L-aġenda 2030 tan-NU hija ħafna aktar kumplessa milli tista’ tiġi riflessa f’politika ambjentali Ewropea, irrispettivament minn kemm tista’ tkun innovattiva. Kwalunkwe politika ambjentali għandha, naturalment, tqis ukoll il-faqar, il-ġuħ, l-edukazzjoni jew il-kwistjonijiet tal-ġeneru, li madankollu ma jistgħux jiġu indirizzati b’mod adegwat fil-kuntest tagħha.

4.2.

Din hija r-raġuni għaliex il-KESE talab lill-UE tfassal “Aġenda tal-UE għall-2050” separata, li naturalment għandha tinkludi wkoll dimensjoni ta’ politika ambjentali b’saħħitha. Il-Patt Ekoloġiku attwali nnifsu mhuwiex biżżejjed biex tiġi implimentata l-Aġenda 2030 tan-NU, peress li l-kwistjonijiet soċjali, kemm fil-kuntest Ewropew kif ukoll f’dak globali, mhumiex ikkunsidrati biżżejjed. Madankollu, il-KESE huwa partikolarment ħerqan li jenfasizza li huwa jqis il-Patt Ekoloġiku Ewropew bħala bażi tajba u solida għal strateġija komprensiva għall-iżvilupp sostenibbli, “Aġenda tal-UE għall-2050”.

4.3.

Il-KESE jirrakkomanda wkoll li l-ambizzjonijiet politiċi stabbiliti fit-testi tal-Kummissjoni jiġu fformulati b’tali mod li ċ-ċittadini Ewropej ikunu jistgħu jagħrfu kif dawn se jiġu implimentati. It-8 EAP għandu l-għan li jippromovi “mudell ta’ tkabbir riġenerattiv” li “jagħti lura lill-pjaneta aktar milli jieħu”. Ħafna ċittadini, u anke ħafna rappreżentanti politiċi, probabbilment mhumiex konxji ta’ x’jimplika l-“mudell ta’ tkabbir riġenerattiv” u xi jfisser fil-ħajja tagħna ta’ kuljum li nagħtu lura lill-pjaneta aktar milli nieħdu.

4.4.

Fl-aħħar nett, il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa t-tnedija ta’ dibattitu ġenerali dwar ir-rwol ta’ programmi ta’ azzjoni ambjentali futuri possibbli. Għal dan il-għan, ikun utli li ma nistennewx evalwazzjoni disa’ xhur biss qabel jiskadi t-8 EAP.

Brussell, is-27 ta’ Jannar 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  https://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2020:0652:FIN:MT:PDF, Artikolu 2 Paragrafu 2 Punt c.

(2)  Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 COM(2020) 380 final.


9.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/80


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-livell minimu ta’ taħriġ tal-baħħara (kodifikazzjoni)”

[COM(2020) 739 final — 2020/0329 (COD)]

(2021/C 123/13)

Konsultazzjonijiet

Parlament Ewropew, 23.11.2020

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 27.11.2020

Bażi legali

L-Artikoli 100(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fil-plenarja

27.1.2021

Sessjoni plenarja Nru

557

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

B’unanimità

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u m’hemm bżonn tal-ebda kumment min-naħa tiegħu, iddeċieda unanimament, matul il-557 sessjoni plenarja tiegħu tas-27 u t-28 ta’ Jannar 2021 (laqgħa tas-27 ta’ Jannar), li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, is-27 ta’ Jannar 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


9.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/81


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni li jiżguraw konnettività bażika tat-trasport tal-merkanzija bit-triq u tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni msemmi fil-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika”

[COM(2020) 826 final — 2020/0362 (COD)]

(2021/C 123/14)

Konsultazzjonijiet

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 11.12.2020

Parlament Ewropew, 14.12.2020

Bażi legali

Artikoli 91(1) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fil-plenarja

27.1.2021

Sessjoni plenarja Nru

557

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

B'unanimità

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u m’hemm bżonn tal-ebda kumment min-naħa tiegħu, iddeċieda unanimament, matul il-557 sessjoni plenarja tiegħu tas-27 u t-28 ta’ Jannar 2021 (laqgħa tas-27 ta’ Jannar), li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, is-27 ta’ Jannar 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


9.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/82


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni li jiżguraw konnettività bażika fit-trasport bl-ajru wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni msemmi fil-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika”

[COM(2020) 827 final — 2020/0363 (COD)]

(2021/C 123/15)

Konsultazzjonijiet

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 11.12.2020

Parlament Ewropew, 14.12.2020

Bażi legali

Artikoli 100(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fil-plenarja

27.1.2021

Sessjoni plenarja Nru

557

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

B’unanimità

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u m’hemm bżonn tal-ebda kumment min-naħa tiegħu, iddeċieda unanimament, matul il-557 sessjoni plenarja tiegħu tas-27 u t-28 ta’ Jannar 2021 (laqgħa tas-27 ta’ Jannar), li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, is-27 ta’ Jannar 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


9.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/83


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti aspetti tas-sikurezza tal-avjazzjoni fir-rigward ta’ tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni msemmi fil-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika”

[COM(2020) 828 final — 2020/0364 (COD)]

(2021/C 123/16)

Konsultazzjonijiet

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 11.12.2020

Parlament Ewropew, 14.12.2020

Bażi legali

Artikoli 100(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fil-plenarja

27.1.2021

Sessjoni plenarja Nru

557

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

B'unanimità

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u m’hemm bżonn tal-ebda kumment min-naħa tiegħu, iddeċieda unanimament, matul il-557 sessjoni plenarja tiegħu tas-27 u t-28 ta’ Jannar 2021 (laqgħa tas-27 ta’ Jannar), li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, is-27 ta’ Jannar 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


9.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/84


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri speċifiċi u temporanji fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 dwar it-tiġdid jew l-estensjoni ta’ ċerti ċertifikati, liċenzji u awtorizzazzjonijiet u l-posponiment ta’ ċerti kontrolli perjodiċi u taħriġ perjodiku f’ċerti oqsma tal-leġiżlazzjoni dwar it-trasport, għal perjodi ta’ referenza sussegwenti għal dawk imsemmija fir-Regolament (UE) 2020/698”

[COM(2021) 25 final — 2021/0012 (COD)]

(2021/C 123/17)

Konsultazzjoni

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 28.1.2021

Parlament Ewropew, 8.2.2021

Bażi legali

Artikoli 91, 100(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fil-plenarja

27.1.2021

Sessjoni plenarja Nru

557

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

B’unanimità

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u m’hemm bżonn tal-ebda kumment min-naħa tiegħu, iddeċieda unanimament, matul il-557 sessjoni plenarja tiegħu tas-27 u t-28 ta’ Jannar 2021 (laqgħa tas-27 ta’ Jannar), li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, is-27 ta’ Jannar 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


9.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/85


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2017/2403 f’dak li għandu x’jaqsam mal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fl-ilmijiet tar-Renju Unit u għall-operazzjonijiet tal-bastimenti tas-sajd tar-Renju Unit fl-ilmijiet tal-Unjoni”

(COM(2020) 830 final — 2020/0366 COD)

(2021/C 123/18)

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 14.12.2020

Kunsill, 11.12.2020

Bażi legali

Artikoli 43(2) u Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fil-plenarja

27.1.2021

Sessjoni plenarja Nru

557

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

B’unanimità

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u m’hemm bżonn tal-ebda kumment min-naħa tiegħu, iddeċieda unanimament, matul il-557 sessjoni plenarja tiegħu tas-27 u t-28 ta’ Jannar 2021 (laqgħa tas-27 ta’ Jannar), li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, is-27 ta’ Jannar 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


9.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/86


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/971/KE fir-rigward tal-ekwivalenza ta’ materjal riproduttiv tal-foresti prodott fir-Renju Unit għal materjal bħal dan prodott fl-Unjoni”

[COM(2020) 852 final — 2020/0378 (COD)]

(2021/C 123/19)

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 18.1.2021

Kunsill, 8.1.2021

Bażi legali

Artikoli 43(2) u Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sessjoni plenarja

27.1.2021

Sessjoni plenarja Nru

557

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

B’unanimità

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u m’hemm bżonn tal-ebda kumment min-naħa tiegħu, iddeċieda unanimament, matul il-557 sessjoni plenarja tiegħu tas-27 u t-28 ta’ Jannar 2021 (laqgħa tas-27 ta’ Jannar), li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, is-27 ta’ Jannar 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


9.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/87


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2003/17/KE u 2005/834/KE fir-rigward tal-ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post u tal-ekwivalenza tal-kontrolli fuq il-prattiki għaż-żamma tal-varjetajiet ta’ speċijiet ta’ pjanti agrikoli mwettqa fir-Renju Unit”

[COM(2020) 853 final — 2020/0379 (COD)]

(2021/C 123/20)

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 18.1.2021

Kunsill, 8.1.2021

Bażi legali

Artikoli 43(2) u Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sessjoni plenarja

27.1.2021

Sessjoni plenarja Nru

557

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

B’unanimità

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u m’hemm bżonn tal-ebda kumment min-naħa tiegħu, iddeċieda unanimament, matul il-557 sessjoni plenarja tiegħu tas-27 u t-28 ta’ Jannar 2021 (laqgħa tas-27 ta’ Jannar), li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, is-27 ta’ Jannar 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew