ISSN 1977-0987

doi:10.3000/19770987.C_2013.170.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 170

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 56
15 ta' Ġunju 2013


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

RAKKOMANDAZZJONIJIET

 

Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku

2013/C 170/01

Rakkomandazzjoni tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tal-4 ta’ April 2013 dwar l-għanijiet intermedji u l-istrumenti tal-politika makroprudenzjali (BERS/2013/1)

1

 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2013/C 170/02

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Każ COMP/M.6915 – OJSC Unimilk Company/NDL International/JV) ( 1 )

20

2013/C 170/03

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Każ COMP/M.6909 – Qatar Investment Authority/Kingdom Holding Company/FRHI Holdings) ( 1 )

20

2013/C 170/04

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Każ COMP/M.6889 – Sogecap/Cardif/Ensemble Immobilier Clichy-la-Garenne) ( 1 )

21

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2013/C 170/05

Rata tal-kambju tal-euro

22

2013/C 170/06

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Ġunju 2013 li tikkonċerna l-finanzjament għas-sena 2013 ta' attivitajiet fil-qasam veterinarju li huma marbutin mal-politika tat-tagħrif tal-Unjoni Ewropea u s-sostenn ta' organizzazzjonijiet internazzjonali, ma' għadd ta' miżuri meħtieġa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-għalf u l-ikel u s-saħħa tal-pjanti

23

2013/C 170/07

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Ġunju 2013 dwar il-finanzjament tal-programm ta’ ħidma 2013 għat-taħriġ dwar is-sikurezza fl-ikel u fl-għalf, is-saħħa tal-annimali, it-trattament xieraq tal-annimali u s-saħħa tal-pjanti fil-qafas tal-Programm ta' Taħriġ Aħjar għal Aktar Sikurezza fl-Ikel

38

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2013/C 170/08

Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni (Każ COMP/M.6955 – KKR/Bidco/South Staffordshire Plc) – Każ li jista' jiġi kkunsidrat għal proċedura simplifikata ( 1 )

43

2013/C 170/09

Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni (Każ COMP/M.6946 – BayWa/Bohnhorst Agrarhandel) – Każ li jista' jiġi kkunsidrat għal proċedura simplifikata ( 1 )

44

2013/C 170/10

Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni (Każ COMP/M.6885 – SDNV/Germanischer Lloyd) ( 1 )

45

 

ATTI OĦRAJN

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2013/C 170/11

Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

46

2013/C 170/12

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

51

 

Rettifika

2013/C 170/13

Rettifika għas-Sejħa għal turija ta’ interess għal sħubija fil-panils Xjentifiċi tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (Parma, l-Italja) – Ref.: EFSA/E/2013/001 (ĠU C 107, 13.4.2013)

55

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

RAKKOMANDAZZJONIJIET

Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku

15.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 170/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-BORD EWROPEW DWAR IR-RISKJU SISTEMIKU

tal-4 ta’ April 2013

dwar l-għanijiet intermedji u l-istrumenti tal-politika makroprudenzjali

(BERS/2013/1)

2013/C 170/01

IL-BORD ĠENERALI TAL-BORD EWROPEW DWAR IR-RISKJU SISTEMIKU,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali fl-Unjoni Ewropea tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(2)(b), (d) u (f) u l-Artikoli 16 sa 18 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni BERS/2011/1 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tal-20 ta’ Jannar 2011 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (2), u b’mod partikolari l-Artikoli 15(3)(e) u l-Artikoli 18 sa 20 tagħha,

Billi:

(1)

L-istabbiltà finanzjarja hija prekundizzjoni biex is-sistema finanzjarja tipprovdi kreditu, u tappoġġa tkabbir ekonomiku sostenibbli. Il-kriżi finanzjarja diġà wriet biċ-ċar il-ħtieġa għal sorveljanza makroprudenzjali li tnaqqas u tipprevjeni r-riskju sistemiku fis-sistema finanzjarja. L-għan ta’ din ir-Rakkomandazzjoni huwa li jittieħed il-pass meħtieġ li jmiss lejn sorveljanza makroprudenzjali operattiva.

(2)

Ir-reżistenza kontra r-riskji sistemiċi fl-Unjoni tiddependi fuq it-twaqqif ta’ qafas ta’ politika makroprudenzjali b’saħħtu flimkien mas-superviżjoni mikroprudenzjali. Din ir-Rakkomandazzjoni ssegwi r-Rakkomandazzjoni BERS/2011/3 tal-Bord Ewropew għar-Riskju Sistemiku tat-22 ta’ Diċembru 2011 dwar il-mandat makroprudenzjali tal-awtoritajiet nazzjonali (3) billi telabora fuq l-għanijiet intermedji u l-istrumenti tal-politika makroprudenzjali.

(3)

Rakkomandazzjoni BERS/2011/3 teħtieġ li l-Istati Membri jinnominaw awtorità fdata bit-tmexxija tal-politika makroprudenzjali. Bl-istess mod, il-qafas ġdid propost li jistabbilixxi rekwiżiti prudenzjali għal istituzzjonijiet ta’ kreditu (minn hawn ‘il quddiem is-“CRD IV/CRR”) jeħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu awtorità awtorizzata responsabbli mit-teħid ta’ miżuri neċessarji għall-prevenzjoni jew it-tnaqqis tar-riskju sistemiku jew tar-riskji makroprudenzjali li jikkostitwixxu theddida għall-istabbiltà finanzjarja f’livell nazzjonali (4).

(4)

L-għan aħħari tal-politika makroprudenzjali huwa li tikkontribwixxi għall-ħarsien tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha, inkluż billi ssaħħaħ ir-resistenza tas-sistema finanzjarja u tnaqqas l-akkumulazzjoni ta’ riskji sistemiċi, biex b’hekk tiżgura kontribut sostenibbli tas-sistema finanzjarja għat-tkabbir ekonomiku. Ir-Rakkomandazzjoni BERS/2011/3 tirreferi għall-identifikazzjoni ta’ għanijiet ta’ politika intermedji bħala speċifikazzjonijiet operattivi tal-għan aħħari. L-identifikazzjoni tal-għanijiet intermedji tagħmel il-politika makroprudenzjali aktar operattiva, aktar trasparenti u aktar ġustifikabbli u tipprovdi bażi ekonomika għall-għażla tal-istrumenti.

(5)

Barra minn dan, l-effettività tal-politika makroprudenzjali fl-Unjoni tiddependi fuq it-twaqqif ta’ sett ta’ strumenti makroprudenzjali li jridu jiġu jiġu applikati b’mod effettiv mill-awtoritajiet makroprudenzjali relevanti mmexxija minn sett ta’ indikaturi, flimkien ma’ ġudizzju ta’ espert. L-awtoritajiet makroprudenzjali għandhom ikollhom l-istrumenti makroprudenzjali neċessarji taħt il-kontroll dirett tagħhom jew taħt setgħat ta’ rakkomandazzjoni, jiġifieri strument wieħed jew aktar għal kull għan intermedju tal-politika makroprudenzjali. L-istrumenti użati sabiex issir aktar stretta l-pożizzjoni tal-politika makroprudenzjali għandhom jiġu rilaxxati jekk meqjusin xierqa biex jistabilizzaw iċ-ċiklu finanzjarju. Strumenti makroprudenzjali jistgħu jiġu applikati lil kategoriji wiesgħa jew iffokati ta’ skoperturi, b’dawn tal-aħħar jinkludu, pereżempju, skoperturi għal valuti barranin speċifiċi.

(6)

Fl-ittra tiegħu lill-Kunsill, il-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew fid-29 ta’ Marzu 2012, il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) esprima l-fehma tiegħu fuq il-kapaċità tal-awtoritajiet makroprudenzjali biex jimplimentaw strumenti makroprudenzjali, kif definiti fis-CRD IV/CRR. B’mod partikolari, il-BERS emfasizza illi l-awtoritajiet makroprudenzjali fil-livell tal-Istat Membru kif ukoll f’dak tal-Unjoni jeħtieġu d-diskrezzjoni biex jirrestrinġu b’mod temporanju l-ikkalibrar ta’ firxa differenti ta’ rekwiżiti Pillar I u biex jitolbu divulgazzjoni addizzjonali. Dawn ir-rekwiżiti jinkludu livelli ta’ kapital aggregati, rekwiżiti ta’ likwidità u limiti għal skoperturi kbar u għal leverage, kif ukoll rekwiżiti ta’ kapital li jiffokaw fuq setturi individwali jew jindirizzaw vulnerabbiltajiet speċifiċi fil-partijiet differenti tal-karti tal-bilanċ tal-banek.

(7)

Is-CRD IV/CRR, filwaqt illi għandu l-aktar fokus mikroprudenzjali, jipprevedi wkoll sett ta’ strumenti makroprudenzjali li jridu jiġu applikati mill-awtorità makroprudenzjali korrispondenti taħt ċerti kundizzjonijiet. Din ir-Rakkomandazzjoni tissuġġerixxi lista indikattiva ta’ strumenti, inklużi iżda mhijiex limitata għalihom, dawk previsti fis-CRD IV/CRR, illi l-Istati Membri jistgħu jassenjaw lil awtoritajiet makroprudenzjali sabiex iwettqu l-għanijiet intermedji identifikati, filwaqt illi ma żżommx lill-Istati Membri milli japplikaw strumenti oħra.

(8)

Barra minn dawn, l-awtoritajiet makroprudenzjali għandhom jiżviluppaw strateġija politika ġenerali dwar l-applikazzjoni ta’ strumenti makroprudenzjali sabiex jitkattru t-teħid ta' deċiżjonijiet, il-komunikazzjoni u l-affidabbiltà tal-politika makroprudenzjali.

(9)

L-effettività tal-politika makroprudenzjali tiddependi wkoll fuq il-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri fl-applikazzjoni tal-istrumenti makroprudenzjali fil-livell nazzjonali. Filwaqt illi l-politka makroprudenzjali ġeneralment ser ikollha effetti pożittivi sostanzjali ta’ tixrid transkonfinali, jista’ kultant jirriżulta tixrid transkonfinali negattiv. L-awtoritajiet makroprudenzjali għandhom jevalwaw il-materjalità tal-impatt nett ta’ dan it-tixrid pożittiv u negattiv, ukoll sabiex jiġi ppreżervat is-suq uniku. Il-BERS ser jikkunsidra tixrid transkonfinali potenzjali tal-politika makroprudenzjali u, mingħajr ħsara għax xi dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi tal-Unjoni, ippromwovi qafas ta’ koordinazzjoni xieraq biex jindirizza dawn il-kwistjonijiet.

(10)

Maż-żmien, meta l-awtoritajiet jitgħallmu dwar l-effettività ta’ strumenti makroprudenzjali differenti, l-għanijiet ta’ politka intermedji u/jew l-istrumenti makroprudenzjali jistgħu jiġu reveduti, billi jitqiesu wkoll riski potenzjali ġodda għall-istabbiltà finanzjarja. Dan jeħtieġ valutazzjoni perjodika tal-adegwatezza tal-għanijiet ta’ politika intermedji stabbiliti u tal-istrumenti makroprudenzjali.

(11)

Il-qafas leġiżlattiv kurrenti tal-Unjoni u dak propost huma karatterizzati minn sett kumpless u differenti ta’ dispożizzjonijiet makroprudenzjali, li jibbenefikaw bil-kbir minn simplifikazzjoni u konsistenza ġenerali f’reviżjonijiet futuri. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jikkunsidraw ukoll illi jinkludu strumenti makroprudenzjali fil-leġiżlazzjoni li teffettwa oqsma tas-settur finanzjarju li mhumiex is-settur bankarju.

(12)

Sabiex tinkiseb applikazzjoni koerenti tal-istrumenti makroprudenzjali u tiġi żgurata sorveljanza makroprudenzjali fl-Unjoni, fil-futur il-BERS jista’ jikkunsidra illi jindirizza rakkomandazzjonijiet lil awtoritajiet makroprudenzjali biex jiggwidahom fl-applikazzjoni tagħhom tal-istrumenti makroprudenzjali.

(13)

Dawk li jfasslu l-politika fi ħdan u barra l-Ewropa qed jevalwaw il-merti u l-iżvantaġġi ta' sett akbar ta' strumenti possibbli biex jipprevjenu jew inaqqsu r-riskji sistemiċi u riformi leġiżlattivi biex iħarsu kontra r-riskji fis-sistema finanzjarja. Il-BERS ser ikompli janalizza l-effettività u l-effiċjenza ta’ strumenti oħra li qed jiġu diskussi bħala parti mill-qafas ta’ politika makroprudenzjali.

(14)

Il-proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi mekkaniżmu superviżorju uniku (MSU) (5), kif miftiehem mill-Kunsill fit-12 ta’ Diċembru 2012, tikkonferixxi fuq il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) is-setgħa li japplika, jekk meqjus neċessarju, rekwiżiti ogħla għall-bafers ta’ kapital minn dawk applikati minn awtoritajiet kompetenti jew awtorizzati ta’ Stati Membri parteċipanti, u japplika miżuri aktar stretti bil-għan li jindirizzaw riskji sistemiċi jew makroprudenzjali, skont il-proċeduri stipulati fil-qafas tas-CRD IV/CRR u f’każijiet speċifikament stipulati fil-liġi relevanti tal-Unjoni. Il-BERS għandu l-għan li jikkoopera mal-BĊE u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jifformaw l-MSU, kif ukoll mal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej u membri oħra tal-BERS, għat-twettiq ta' sett koerenti ta’ politiki makroprudenzjali fi ħdan l-Unjoni.

(15)

Din ir-Rakkomandazzjoni hija mingħajr ħsara għall-mandati ta’ politika monetarja u r-rwol ta’ sorveljanza, l-ikklerjar u l-infrastrutturi tas-saldu tal-banek ċentrali fl-Unjoni.

(16)

Ir-Rakkomandazzjonijiet tal-BERS huma ppubblikati wara li l-Kunsill ikun ġie informat bl-intenzjoni tal-Bord Ġenerali li jagħmel dan u wara li l-Kunsill ikun ingħata opportunità biex jirreaġixxi,

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

TAQSIMA 1

RAKKOMANDAZZJONIJIET

Rakkomandazzjoni A –   Definizzjoni tal-għanijiet intermedji

Huwa rakkomandat illi l-awtoritajiet makroprudenzjali nazzjonali:

(1)

jiddefinixxu u jsegwu għanijiet intermedji ta’ politika makroprudenzjali għas-sistema finanzjarja nazzjonali rispettiva tagħhom kollha. Dawn l-għanijiet intermedji għandhom iservu ta’ speċifikazzjonijiet operattivi għall-għan aħħari tal-politika makroprudenzjali, li huwa li tikkontribwixxi għall-ħarsien tas-sistema finanzjarja kollha, inkluż billi tissaħħaħ ir-resistenza tas-sistema finanzjarja u titnaqqas l-akkumulazzjoni ta’ riskji sistemiċi, biex b’hekk jiġi żgurat kontribut sostenibbli tas-settur finanzjarju għat-tkabbir ekonomiku. Dan jimplika, inter alia, ir-rilaxx ta’ strumenti li qabel kienu jintużaw biex jirrestrinġu l-pożizzjoni tal-politika makroprudenzjali;

(2)

dawn l-għanijiet intermedji għandhom jinkludu:

(a)

il-mitigazzjoni u l-prevenzjoni ta’ żieda eċċessiva fil-kreditu u l-leverage;

(b)

il-mitigazzjoni u l-prevenzjoni ta’ diskrepanza eċċessiva fil-maturità u ta’ nuqqas ta’ likwidità fis-swieq;

(c)

il-limitazzjoni tal-konċentrazzjonijiet ta’ skoperturi diretti u indiretti;

(d)

il-limitazzjoni tal-impatt sistemiku ta’ inċentivi mhux allineati bil-ħsieb li jitnaqqas il-periklu morali;

(e)

it-tisħiħ tar-resistenza tal-infrastrutturi finanzjarji;

(3)

jevalwaw il-ħtieġa għal aktar għanijiet intermedji fuq il-bażi ta’ nuqqasijiet fis-suq sottostanti u l-karatteristiċi strutturali speċifiċi tal-pajjiż u/jew tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni li jistgħu jwasslu għal riskju sistemiku.

Rakkomandazzjoni B –   Għażla ta’ strumenti makroprudenzjali

Huwa rakkomandat illi l-Istati Membri:

(1)

jevalwaw, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet makroprudenzjali, jekk l-istrumenti makroprudenzjali, preżentement taħt il-kontroll dirett jew is-setgħat ta’ rakkomandazzjoni ta’ dawn tal-aħħar, humiex suffiċjenti biex isegwu b’mod effettiv u effiċjenti l-għan aħħari tal-politika makroprudenzjali, stabbilit taħt ir-Rakkomandazzjoni BERS/2011/3, kif ukoll l-għanijiet intermedji tagħhom kif definit skont ir-rakkomandazzjoni A. L-evalwazzzjoni għandha tqis illi l-awtoritajiet makroprudenzjali għandhom ikollhom taħt il-kontroll dirett tagħhom jew is-setgħat ta’ rakkomandazzjoni tal-anqas strument makroprudenzjali wieħed għal kull għan intermedju tal-politika makroprudenzjali, għalkemm jista jkun meħtieġ aktar minn strument wieħed;

(2)

jekk l-evalwazzjoni tindika illi l-istrumenti disponibbli mhumiex suffiċjenti, iqisu, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet makroprudenzjali, strumenti makroprudenzjali addizzjonali li għandhom jiġu taħt il-kontroll dirett jew is-setgħat ta’ rakkomandazzjoni ta’ dawn tal-aħħar. Għal dan l-iskop, qed tiġi ssuġġerita lista indikattiva ta’ strumenti għall-kunsiderazzjoni fit-Tabella 1 hawn taħt:

Tabella 1

Lista indikattiva ta’ strumenti makroprudenzjali

1.   Mitigazzjoni u prevenzjoni ta’ żieda eċċessiva fil-kreditu u l-leverage

Bafer kontroċikliku tal-kapital

Rekwiżiti settorjali tal-kapital (inkluż fi ħdan is-sistema finanzjarja)

Proporzjon tal-leverage makroprudenzjali

Rekwiżiti loan-to-value (LTV)

Rekwiżiti loan-to-income / debt (service)-to-income (LTI)

2.   Mitigazzjoni u prevenzjoni ta’ diskrepanza eċċessiva fil-maturità u ta’ nuqqas ta’ likwidità fis-swieq

Aġġustament makroprudenzjali għall-proporzjon ta’ likwidità (eż. proporzjon ta’ kopertura tal-likwidità)

Restrizzjonijiet makroprudenzjali fuq is-sorsi ta’ finanzjament (eż. proporzjon nett ta’ finanzjament stabbli)

Limitu makroprudenzjali mhux ippeżat għal finanzjament inqas stabbli (eż. proporzjon loan-to-deposit)

Rekwiżiti ta’ marġni u telf impost

3.   Limitazzjoni tal-konċentrazzjonijiet ta’ skoperturi diretti u indiretti

Restrizzjonijiet fuq skoperturi kbar

Rekwiżit tal-ikklerjar mill-kontropartijiet ċentrali (CCP)

4.   Limitazzjoni tal-impatt sistemiku ta’ inċentivi mhux allineati bil-ħsieb li jitnaqqas il-periklu morali

Ħlasijiet żejda fuq il-kapital tas-SIFI

5.   Tisħiħ tar-reżiljenza tal-infrastrutturi finanzjarji

Rekwiżiti ta’ margni u ta’ telf impost fuq l-ikklerjar mis-CCP

Titjib fid-divulgazzjoni

Bafer għar-riskju sistemiku strutturali

(3)

B’konformità mal-paragrafi 1 u 2, jagħżlu strumenti makroprudenzjali addizzjonali, billi jqisu:

(a)

l-effettività u l-effiċjenza tagħhom biex jiksbu kull wieħed mill-għanijiet intermedji fil-ġurisdizzjonijiet rispettivi tagħhom, skont ir-rakkomandazzjoni A;

(b)

il-kapaċità tagħhom biex jindirizzaw id-dimensjoni strutturali u ċiklika tar-riskji sistemiċi fil-ġurisdizzjonijiet rispettivi tagħhom;

(4)

minbarra l-għażla tal-istrumenti makroprudenzjali, jiżguraw illi l-awtoritajiet makroprudenzjali jiġu involuti fit-tfassil u li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni nazzjonali ta':

(a)

reġimi għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet finanzjarji bankarji u mhux bankarji;

(b)

skemi ta’ garanzija tad-depożiti;

(5)

jistabbilixxu qafas legali li jippermetti li l-awtoritajiet makroprudenzjali jżommu l-kontroll dirett jew is-setgħat ta’ rakkomandazzjoni fuq l-istrumenti makroprudenzjali magħżulin bis-saħħa ta' din ir-Rakkomandazzjoni.

Rakkomandazzjoni Ċ –   Strateġija ta’ politika

Huwa rakkomandat illi l-awtoritajiet makroprudenzjali nazzjonali:

(1)

jiddefinixxu strateġija ta’ politika li

(a)

torbot l-għan aħħari tal-politika makroprudenzjali mal-għanijiet intermedji u mal-istrumenti makroprudenzjali taħt il-kontrol dirett jew is-setgħat ta’ rakkomandazzjoni tagħhom;

(b)

tistabbilixxi qafas b’saħħtu għall-applikazzjoni ta’ strumenti taħt il-kontroll dirett tagħhom jew setgħat ta’ rakkomandazzjoni biex isegwu l-għanijiet aħħarin u intermedji tal-politika makroprudenzjali. Dan għandu jinkludi indikaturi xierqa għall-monitoraġġ ta’ riskji sistemiċi u li jiggwidaw deċiżjonijiet dwar l-applikazzjoni, id-deattivazzjoni jew l-ikkalibrar ta’ strumenti makroprudenzjali li jvarjaw maż-żmien kif ukoll mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni xieraq mal-awtoritajiet relevanti fil-livell nazzjonali;

(c)

tkabbar it-trasparenza u responsabbiltà tal-politika makroprudenzjali;

(2)

twettaq aktar analiżi, fuq il-bażi tal-applikazzjoni prattika ta’ strumenti makroprudenzjali, sabiex issaħħaħ l-istrateġija tal-politika makroprudenzjali, inkluż dwar:

(a)

strumenti mhux stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, pereżempju rekwiżiti loan-to-value u loan-to-income, u strumenti li jipprevjenu jew inaqqsu d-diskrepanzi eċċessivi fil-maturità u n-nuqqas ta’ likwidità fis-suq;

(b)

il-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni ta’ strumenti kif ukoll dwar l-identifikazzjoni ta’ indikaturi li jistgħu jinformaw deċiżjonijiet dwar l-applikazzjoni, id-deattivazzjoni jew l-ikkalibrar tagħhom.

(3)

mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet relevanti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, jinformaw lill-BERS qabel l-applikazzjoni ta’ strumenti makroprudenzjali fil-livell nazzjonali jekk ikunu mistennija effetti transkonfinali sinifikanti fuq Stati Membri oħra jew fuq is-suq uniku.

Rakkomandazzjoni D –   Valutazzjoni perjodika ta’ għanijiet intermedji u strumenti

Huwa rakkomandat illi l-awtoritajiet makroprudenzjali nazzjonali:

(1)

jevalwaw perjodikament l-adegwatezza tal-għanijiet intermedji definiti skont ir-rakkomandazzjoni A, minħabba l-esperjenza miksuba fit-tħaddim tal-qafas tal-politka makroprudenzjali, l-iżviluppi strutturali fis-sistema finanzjarja u l-evoluzzjoni ta’ tipi ġodda ta’ riskji sistemiċi;

(2)

jirrevedu perjodikament l-effettività u l-effiċjenza tal-istrumenti makroprudenzjali magħżulin skont ir-rakkomandazzjoni B, fil-kisba tal-għanijiet aħħarin u intermedji tal-politika makroprudenzjali;

(3)

jekk iggarantiti mill-analiżi taħt il-paragrafu 1, jaġġustaw is-sett ta’ għanijiet intermedji kull meta jkun neċessarju u, b’mod partikolari, fil-każ tal-evoluzzjoni ta’ riskji ġodda għall-istabbiltà finanzjarja li ma jistgħux jiġu indirizzati biżżejjed fi ħdan il-qafas eżistenti;

(4)

jinformaw l-awtorità relevanti fl-Istat Membru tagħhom, sabiex jitwaqqaf il-qafas legali xieraq, f’każ li strumenti makroprudenzjali oħra jitqiesu neċessarji;

(5)

jirrapportaw lill-BERS kull bidla fis-sett ta’ għanijiet intermedji u strumenti makroprudenzjali illi huma taħt il-kontroll dirett jew is-setgħat ta’ rakkomandazzjoni tagħhom u l-analiżi sottostanti li tappoġġa din il-bidla.

Rakkomandazzjoni E –   Suq uniku u leġiżlazzjoni tal-Unjoni

Il-Kummissjoni hija rrakkomandata, fil-qafas tar-reviżjonijiet għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li ġejjin, biex:

(1)

tikkunsidra l-ħtieġa li jiġi stabbilit sett koerenti ta’ strumenti makroprudenzjali li jeffettwaw is-sistema finanzjarja, inkluż it-tipi kollha ta' intermedjarji finanzjarji, swieq, prodotti u infrastrutturi tas-suq;

(2)

tiżgura illi l-mekkaniżmi adottati jippermettu lill istituzzjonijiet tal-Unjoni u lill-Istati Membri biex jinteraġixxu b’mod effiċjenti u jistabbilixxu livell ta’ flessibbilità għall-awtoritajiet makroprudenzjali sabiex jattivaw dawk l-istrumenti makroprudenzjali kull meta jkun meħtieġ, filwaqt illi jippreżervaw is-suq uniku.

TAQSIMA 2

IMPLIMENTAZZJONI

1.   Interpretazzjoni

1.

Għall-finijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“sistema finanzjarja” tfisser sistema finanzjarja kif iddefinita fir-Regolament (UE) Nru 1092/2010;

(b)

“awtorità makroprudenzjali” tfisser awtoritajiet makroprudenzjali bl-għanijiet, l-arranġamenti, is-setgħat, ir-rekwiżiti ta' responsabbiltà u karatteristiċi oħra stipulati fir-Rakkomandazzjoni BERS/2011/3.

(c)

“kontroll dirett” tfisser kapaċità reali u effettiva li jiġu imposti jew modifikati, fejn meħtieġ sabiex jinkiseb għan aħħari jew intermedju, strumenti makroprudenzjali fuq l-istrumenti finanzjarji li huma fil-firxa tal-azzjoni tal-awtorità makroprudenzjali korrispondenti;

(d)

“setgħat ta’ rakkomandazzjoni” tfisser il-kapaċità li permezz ta’ rakkomandazzjoni tiġi ggwidata l-applikazzjoni ta’ strumenti makroprudenzjali, fejn meħtieġ biex jinkiseb għan aħħari jew intermedju;

(e)

“dimensjoni strutturali tar-riskju sistemiku” tfisser id-distribuzzjoni ta’ riskji fis-settur finanzjarju;

(f)

“dimensjoni ċiklika tar-riskju sistemiku” tfisser il-bidliet tar-riskju sistemiku tul iż-żmien, li joriġinaw mit-tendenza tal-istituzzjonijiet finanzjarji li jassumu riskji eċċessivi fi żmien tajjeb u juru biża’ eċċessiva mir-riskju fi żmien ħażin;

(g)

“effettività tal-istrument” tfisser il-grad sa fejn l-istrument jista’ jindirizza nuqqasijiet fis-suq u jikseb l-għanijiet aħħarin u intermedji;

(h)

“effiċjenza tal-istrument” tfisser il-potenzjal tal-istrument biex jikseb l-għanijiet aħħarin u intermedji b'kost minimu.

2.

L-Anness jifforma parti integrali ta’ din ir-Rakkomandazzjoni. F’każ ta’ kunflitt bejn it-test ewlieni u l-Anness, jipprevali t-test ewlieni.

2.   Kriterji għall-implimentazzjoni

1.

Il-kriterji li ġejjin japplikaw għall-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni:

(a)

l-arbitrage regolatorju għandu jiġi evitat;

(b)

għandha tingħata l-kunsiderazzjoni dovuta lill-prinċipju ta’ proporzjonalità fl-implimentazzjoni, b’referenza għar-relevanza sistemika differenti tal-istituzzjonijiet finanzjarji, għas-sistemi istituzzjonali differenti u billi jiġu kkunsidrati l-għan u l-kontenut ta’ kull rakkomandazzjoni.

2.

L-indirizzati huma mitluba jikkomunikaw l-azzjonijiet meħuda bħala tweġiba għal din ir-Rakkomandazzjoni, jew jiġġustifikaw b’mod adegwat in-nuqqas ta’ azzjoni. Bħala minimu r-rapporti għandhom jinkludu:

(a)

informazzjoni dwar is-sustanza u l-kronoloġija tal-azzjonijiet meħuda;

(b)

evalwazzjoni tal-funzjonament tal-azzjonijiet meħuda, mill-perspettiva tal-għanijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni;

(c)

ġustifikazzjoni dettaljata ta’ kull nuqqas ta’ azzjoni jew devjazzjoni minn din ir-Rakkomandazzjoni, inkluż kull dewmien.

3.

Aktar informazzjoni dwar il-karatteristiċi u l-partikolaritajiet ta' kull wieħed mill-għanijiet intermedji tista' tinstab fl-Anness ta' din ir-Rakkomandazzjoni, flimkien ma’ lista indikattiva ta’ strumenti makroprudenzjali biex jitwettqu għanijiet intermedji. L-Anness jista’ jassisti lill-indirizzati fl-għażla ta’ strumenti makroprudenzjali kif ukoll fit-tħejjija tal-istrateġika tal-politika għall-applikazzjoni tagħhom.

3.   Skeda ta’ żmien għas-segwitu

1.

L-indirizzati huma mitluba jikkomunikaw l-azzjonijiet meħuda bħala tweġiba għal din ir-Rakkomandazzjoni, jew jiġġustifikaw b’mod adegwat in-nuqqas ta’ azzjoni, kif speċifikat fil-paragrafi li ġejjin:

(a)

rakkomandazzjonijiet A u B – sal-31 ta’ Diċembru 2014, l-indirizzati huma mitlubin jikkomunikaw rapport lill-BERS, lill-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) u lill-Kunsill li jispjega l-miżuri meħudin sabiex jikkonformaw mal-kontenut ta’ rakkomandazzjonijiet A u B. L-Istati Membri jistgħu jirrapportaw il-miżuri meħudin fir-rigward tar-rakkomandazzjoni B permezz tal-awtoritajiet makroprudenzjali tagħhom;

(b)

rakkomandazzjoni C – sal-31 ta’ Diċembru 2015, l-awtoritajiet makroprudenzjali huma mitlubin jikkomunikaw rapport lill-BERS, lill-ABE u lill-Kunsill li jispjega l-miżuri meħudin sabiex jikkonformaw mal-kontenut ta’ rakkomandazzjoni C(1). Rakkomandazjonijiet C(2) u C(3) ma jeħtiġux skadenza speċifika għar-rapportar. Informazzjoni mogħtija minn awtoritajiet makroprudenzjali lill-BERS taħt ir-rakkomandazzjoni C(3) għandhom isiru disponibbli bi preavviż raġjonevoli;

(c)

rakkomandazzjoni D – rakkomandazzjoni D ma teħtieġx skadenza għar-rapportar unika. Jekk ikun hemm bidla fl-għanijiet intermedji u l-istrumenti taħt il-kontroll dirett jew is-setgħat ta’ rakkomandazzjoni tal-awtoritajiet makroprudenzjali, huma mitluba jikkonsenjaw rapport dwar dan lill-BERS fi żmien adegwat, skont ir-rakkomandazzjoni D(5);

(d)

rakkomandazzjoni E – rakkomandazzjoni E ma teħtieġx skadenza għar-rapportar speċifika. Il-Kummissjoni tikkonsenja rapport lill-BERS fuq bażi biennali dwar il-mod li bih l-għanijiet tal-politika makroprudenzjali jiġu inklużi fit-tħejjija tal-leġiżlazzjoni finanzjarja. L-ewwel rapport għandu jiġi kkonsenjat sal-31 ta’ Diċembru 2014.

2.

Il-Bord Ġenerali jista’ jestendi l-iskadenzi stipulati fil-paragrafi preċedenti fejn ikunu neċessarji inizjattivi leġiżlattivi għal konformità ma' rakkomandazzjoni waħda jew aktar.

4.   Monitoraġġ u evalwazzjoni

1.

Is-Segretarjat tal-BERS:

(a)

jassisti lill-indirizzati, inkluż billi jiffaċilita r-rapportaġġ ikkoordinat, jipprovdi mudelli relevanti u jippreċiża fejn ikun meħtieġ il-modalitajiet u l-kronoloġija għas-segwitu;

(b)

jivverifika s-segwitu mill-indirizzati, inkluż billi jassistihom fuq talba tagħhom, u jirrapporta dwar is-segwitu lill-Bord Ġenerali permezz tal-Kumitat ta’ Tmexxija.

2.

Il-Bord Ġenerali jivvaluta l-azzjonijiet u l-ġustifikazzjonijiet irrapportati mill-indirizzati u, fejn xieraq, jiddeċiedi jekk din ir-Rakkomandazzjoni ġietx segwita u jekk l-indirizzati jkunux naqsu milli jiġġustifikaw b'mod adegwat in-nuqqas ta' azzjoni min-naħa tagħhom.

TAQSIMA 3

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

1.   Gwida tal-BERS dwar l-applikazzjoni tal-istrumenti makroprudenzjali

Il-BERS jista’ jiggwida lill-awtoritajiet makroprudenzjali dwar kif l-istrumenti makroprudenzjali jistgħu jiġu implimentati u applikati b’mod aħjar, permezz ta’ rakkomandazzjonijiet bis-saħħa tal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010. Dan jista' tinkludi indikaturi li jiggwidaw l-applikazzjoni ta' strumenti makroprudenzjali.

2.   Riforma futura tal-għodda makroprudenzjali

Fil-futur, il-BERS jista’ jikkunsidra li jespandi s-sett indikattiv ta’ strumenti makroprudenzjali li jinsabu f’din ir-Rakkomandazzjoni, permezz ta' rakkomandazzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010.

Magħmula fi Frankfurt am Main, l-4 ta’ April 2013.

Il-President tal-BERS

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1.

(2)  ĠU Ċ 58, 24.2.2011, p. 4.

(3)  ĠU Ċ 41, 14.2.2012, p. 1.

(4)  Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess għall-attività ta’ istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiert ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-superviżjoni supplementari ta' istituzzjonijiet ta' kreditu, impriżi ta' assigurazzjoni u ditti ta' investiment f'konglomerat finanzjarju (COM(2011) 453 finali) u Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar rekwiżiti prudenzjali għal istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta’ investiment (COM(2011) 452 finali).

(5)  Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (COM(2012) 511 final).


ANNESS GĦAR-RAKKOMANDAZZJONI DWAR L-GĦANIJIET INTERMEDJI U L-ISTRUMENTI TAL-POLITIKA MAKROPRUDENZJALI

1.   Daħla

L-awtoritajiet makroprudenzjali ġew stabbiliti, jew qegħdin jiġu stabbiliti, fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. Il-pass li jmiss biex il-politika makroprudenzjali ssir operattiva huwa l-għażla ta’ strumenti effettivi u effiċjenti tal-politika makroprudenzjali li jevitaw jew itaffu r-riskji sistemiċi fis-sistema finanzjarja kollha kemm hi. Dan l-Anness jippreżenta qafas għal din l-għażla.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) dwar il-mandat makroprudenzjali tal-awtoritajiet nazzjonali (1) tirreferi għall-identifikazzjoni ta’ għanijiet intermedji tal-politika bħala “speċifikazzjonijiet operattivi tal-għan aħħari”. L-identifikazzjoni tal-għanijiet intermedji tagħmel il-politika makroprudenzjali aktar operattiva, aktar trasparenti u aktar ġustifikabbli, u tipprovdi bażi ekonomika għall-għażla tal-istrumenti. Il-qafas ippreżentat f’dan l-Anness għalhekk huwa bbażat fuq sett ta’ għanijiet intermedji li ġew identifikati minn qabel u li għandhom firxa wiesgħa. Il-qafas ifisser bid-dettalji kif strumenti indikattivi jistgħu jgħinu biex jintlaħqu dawk l-għanijiet intermedji u liema indikaturi jkunu sinjal biex dawn jiġu attivati jew ma jibqgħux attivati. L-Anness fih ukoll tagħrif dwar il-bażi legali tal-istrumenti individwali. Fil-ġejjieni, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea hija mistennija tipprovdi bażi legali komuni għal uħud minn dawn l-istrumenti.

Meta japplikaw il-qafas, l-awtoritajiet makroprudenzjali għandhom jieħdu bħala l-punt tat-tluq ir-riskji għall-istabbiltà finanzjarja fil-livell nazzjonali. Dawn ir-riskji jistgħu jkunu differenti minn pajjiż għall-ieħor minħabba l-karatteristiċi differenti tas-sistemi finanzjarji u taċ-ċikli finanzjarji fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Minħabba f’dan u minħabba l-fatt li l-politika makroprudenzjali tinsab f’fażi bikrija ta’ żvilupp, jistgħu jintgħażlu strumenti differenti fi Stati Membri differenti. Fl-istess ħin, il-fatt li s-swieq finanzjarji fl-Unjoni Ewropea huma integrati ferm ukoll jitlob approċċ koordinat. Il-koordinazzjoni tista’ ssaħħaħ l-effikaċja u l-effiċjenza tal-politika makroprudenzjali billi tillimita l-firxa tal-arbitraġġ u t-tixrid negattiv. Hija essenzjali wkoll biex jiġi internalizzat it-tixrid pożittiv u negattiv lejn is-sistemi finanzjarji u l-ekonomiji ta’ Stati Membri oħra u biex jitħares il-funzjonament tas-suq uniku. Filwaqt li maż-żmien wieħed jistenna li jkun hemm konverġenza akbar fl-Unjoni Ewropea kollha dwar l-istrumenti makroprudenzjali, jeħtieġ li l-applikazzjoni tal-istrumenti titfassal għal ċikli finanzjarji diverġenti u riskji eteroġenji.

Dan l-Anness huwa mfassal kif jidher hawn taħt:

Taqsima 2 tidentifika l-għanijiet intermedji tal-politika makroprudenzjali u torbothom man-nuqqasijiet bażiċi tas-swieq li jitqiesu l-aktar rilevanti għall-politika makroprudenzjali.

Taqsima 3 tissuġġerixxi l-kriterji għall-għażla tal-istrumenti makroprudenzjali u tipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-għanijiet intermedji u l-istrumenti makroprudenzjali indikattivi.

Żieda 1 tipprovdi analiżi tal-istrumenti makroprudenzjali individwali u Żieda 2 fiha diskussjoni dwar l-elementi makroprudenzjali tal-assigurazzjoni.

2.   Identifikazzjoni tal-għanijiet intermedji

Ir-Rakkomandazzjoni tal-BERS dwar il-mandat makroprudenzjali tal-awtoritajiet nazzjonali titlob lill-Istati Membri “jispeċifikaw illi l-għan aħħari tal-politika makroprudenzjali huwa li jikkontribwixxi għall-ħarsien tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha, inkluż billi tissaħħaħ ir-reżistenza tas-sistema finanzjarja u titnaqqas l-akkumulazzjoni ta’ riskji sistemiċi, biex b’hekk jiġi żgurat kontribut sostenibbli tas-settur finanzjarju lit-tkabbir tal-ekonomija”.

L-istudji rilevanti jikklassifikaw ir-riskju sistemiku f’żewġ dimensjonijiet: strutturali u ċikliku. Id-dimensjoni strutturali għandha x’taqsam mad-distribuzzjoni tar-riskju fis-sistema finanzjarja kollha. Id-dimensjoni ċiklika għandha x’taqsam mat-tendenza tal-banek li jassumu riskju eċċessiv fi żmien tajjeb u juru biża’ eċċessiv mir-riskju fi żmien ħażin. Filwaqt li huwa utli li jitqiesu d-dimensjonijiet strutturali u ċikliċi għall-iskop ta’ identifikazzjoni ta’ xi jwassal għar-riskju sistemiku u l-istrumenti korrispondenti, huwa diffiċli tagħmel distinzjoni ċara bejn iż-żewġ dimensjonijiet minħabba li huma marbutin mill-qrib.

L-identifikazzjoni tal-għanijiet intermedji skont in-nuqqasijiet speċifiċi tas-swieq dokumentati fil-pubblikazzjonijiet tista’ tippermetti klassifikazzjoni aktar ċara tal-istrumenti makroprudenzjali, tiżgura bażi ekonomika għall-kalibrazzjoni u l-użu ta’ dawn l-istrumenti u ssaħħaħ ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet makroprudenzjali. Fil-prattika, l-istrumenti makroprudenzjali diġà sikwit jintrabtu mal-għanijiet intermedji. Hekk, il-bafer kontroċikliku għandu l-għan li jtaffi r-riskju sistemiku marbut ma’ żieda eċċessiva fil-kreditu. Biex jifforma opinjoni sħiħa dwar l-għanijiet intermedji, dan l-Anness juża l-pubblikazzjonijiet għall-identifikazzjoni tan-nuqqasijiet tas-swieq li huma rilevanti għall-politika makroprudenzjali u mbagħad jgħaqqadhom mal-għanijiet individwali (ara Tabella 1) (2).

L-ewwel għan intermedju huwa l-mitigazzjoni u l-prevenzjoni ta’ żieda eċċessiva fil-kreditu u l-leverage . Iż-żieda eċċessiva fil-kreditu ġiet identifikata bħala waħda mill-kawżi ewlenin tal-kriżijiet finanzjarji, fejn il-leverage jaġixxi bħala mezz ta’ amplifikazzjoni. Il-kuntrast bejn l-impatt tal-kollass tal-bużżieqa “dot-com”, li kienet iffinanzjata fil-biċċa l-kbira mill-ekwitajiet, u t-tifqigħ tal-bużżieqa tal-ipoteki subprime, ikkawżata mill-kreditu, turi ċar l-importanza tal-leverage. F’dan ir-rigward, tista’ ssir distinzjoni bejn il-leverage fi ħdan is-sistema finanzjarja u dak bejn l-istituzzjonijiet finanzjarji u s-selliefa tal-ekonomija reali (i.e. bl-innettjar tal-klejms fi ħdan is-sistema finanzjarja). Il-politika makroprudenzjali tista’ tindirizza t-teħid eċċessiv tar-riskji fi żmien tajjeb billi tissikka r-rekwiżiti tal-kapital u l-kollateral. Il-bafers maħluqa fi żmien tajjeb jistgħu jiġu rilaxxati fi żmien ħażin biex jassorbu t-telf, itaffu l-ħtieġa ta’ deleveraging u jevitaw l-azzjonijiet fuq il-banek, filwaqt li jsostnu l-estensjoni tal-kreditu għas-sostenn tat-tkabbir ekonomiku.

Tabella 1

Għanijiet intermedji tal-politika makroprudenzjali u n-nuqqasijiet relatati tas-swieq

Għan intermedju

Nuqqasijiet bażiċi tas-swieq

Mitigazzjoni u prevenzjoni ta’ żieda eċċessiva fil-kreditu u l-leverage

Esternalitajiet tal-kriżi tal-kreditu: Issikkar f’daqqa tal-kundizzjonijiet meħtieġa biex jinkiseb self, li jwassal għal tnaqqis fid-disponibbiltà tal-kreditu għas-settur mhux finanzjarju.

It-teħid endoġenu tar-riskji: Inċentivi li waqt boom jiġġeneraw it-teħid eċċessiv ta’ riskji u, fil-każ tal-banek, deterjorament fl-istandards tal-għoti ta’ self. Tifsiriet għal dan jinkludu l-kompetenza dwar is-sinjali, il-pressjonijiet fis-suq biex jiżdiedu r-redditi jew l-interazzjoni strateġika bejn l-istituzzjonijiet.

Illużjoni tar-riskji: Kalkoli ħżiena kollettivi tar-riskji marbuta ma’ memorja qasira u n-nuqqas ta’ frekwenza tal-kriżijiet finanzjarji.

Azzjonijiet fuq il-banek: L-irtirar ta’ finanzjament bl-ingrossa jew bl-imnut fil-każ ta’ insolvenza attwali jew perċepita.

Esternalitajiet tal-interkonnettività: Konsegwenzi kuntaġjużi tal-inċertezza dwar ġrajjiet marbuta ma’ istituzzjoni jew fi ħdan suq.

Mitigazzjoni u prevenzjoni ta’ diskrepanza eċċessiva fil-maturità u ta’ nuqqas ta’ likwidità fis-swieq

Esternalitajiet ta’ fire sales: Dawn jiġu mill-bejgħ sfurzat tal-assi minħabba d-diskrepanzi eċċessivi bejn l-assi u l-obbligazzjonijiet. Dan jista’ jwassal għal spirall tal-likwidità fejn il-prezzijiet tal-assi li jkunu qegħdin jonqsu jġibu magħhom aktar bejgħ, deleveraging u tixrid lejn istituzzjonijiet finanzjarji li jkollhom kategoriji simili ta’ assi.

Azzjonijiet fuq il-banek

Nuqqas ta’ likwidità fis-swieq: L-ixxuttar tas-swieq interbankarji jew kapitali minħabba t-telf ġenerali ta’ fiduċja jew aspettattivi pessimisti ferm.

Limitazzjoni tal-konċentrazzjonijiet ta’ skoperturi diretti u indiretti

Esternalitajiet tal-interkonnettività

Esternalitajiet ta’ fire sales: (hawnhekk) jiġu mill-bejgħ sfurzat tal-assi bi prezz ħażin minħabba d-distribuzzjoni tal-iskoperturi fis-sistema finanzjarja.

Limitazzjoni tal-impatt sistemiku ta’ inċentivi ħżiena biex jitnaqqas il-periklu morali

Periklu morali u “il-kbir ma jistax ifalli”: It-teħid eċċessiv ta’ riskji marbut mal-aspettattivi ta’ salvataġġ (bail-out) minħabba r-rilevanza perċepita tas-sistema min-naħa ta’ istituzzjoni individwali.

Tisħiħ tar-reżistenza tal-infrastrutturi finanzjarji

Esternalitajiet tal-interkonnettività

Esternalitajiet ta’ fire sales

Illużjoni tar-riskji

Kuntratti mhux kompleti: Strutturi ta’ kumpens li jipprovdu inċentivi għal imġiba riskjuża.

It-tieni għan intermedju għandu x’jaqsam mad-diskrepanza eċċessiva fil-maturità, i.e. kemm l-assi għal żmien fit-tul huma finanzjati b’obbligazzjonijiet għal żmien qasir. L-esperjenza turi li ċ-ċikli tal-kreditu jidentifikaw ruħhom ma’ żieda fid-dipendenza minn finanzjament għal żmien qasir. Dan iżid ir-riskji għall-istabbiltà finanzjarja minħabba li tikber in-nuqqas ta’ likwidità u jiżdiedu l-fire sales u l-kontaġju. Dan l-għan intermedju jiffoka fuq il-likwidità tal-assi fis-swieq u fuq id-dipendenza mill-finanzjament għal żmien qasir, kif ukoll fuq l-asimmetriji fl-informazzjoni li jistgħu jorbtu l-kwistjonijiet ta’ finanzjament mal-prezzijiet tal-assi. Biex tindirizza d-diskrepanzi fil-maturutà, il-politika makroprudenzjali tista’ titlob lill-banek jiffinanzjaw l-assi mhux likwidi tagħhom b’finanzjament stabbli u jkollhom assi likwidi ta’ kwalità tajba ħafna li jiggarantixxu r-rifinanzjament tal-fondi għal żmien qasir. Dawn il-miżuri għandhom l-għan li jħarsu l-banek minn nuqqas ta’ likwidità fis-swieq u mill-pressjoni marbuta mal-fire sales kif ukoll minn azzjonijiet min-naħa tad-depożitanti u istituzzjonijiet finanzjarji oħra.

It-tielet għan intermedju huwa l-limitazzjoni tal-konċentrazzjonijiet ta’ koperturi diretti u indiretti, filwaqt li jitqies il-livell tar-riskju tagħhom. Ir-riskju dirett ta’ konċentrazzjoni jiġi minn skoperturi kbar għas-setturi mhux finanzjarji (e.g. is-suq tad-djar, l-istati) kif ukoll bejn is-setturi finanzjarji u/jew l-entitajiet finanzjarji. Barra dan, l-iskoperturi indiretti jibdew fi ħdan is-sistema minħabba l-interkonnettività tal-istituzzjonijiet finanzjarji u l-konsegwenzi kuntaġjużi mill-iskoperturi komuni. L-iskoperturi kbar jistgħu jiġu limitati billi jiġu stabbiliti limiti għal setturi finanzjarji speċifiċi u (gruppi ta’) kontropartijiet jew billi jiġu introdotti circuit-breakers, bħall-kontropartijiet ċentrali (CCP), li jgħinu biex inaqqsu l-effetti li jistgħu jseħħu f’sensiela (e.g. kontaġju u fire sales) minħabba inadempjenza mhux mistennija jew skoperturi komuni fl-istituzzjonijiet finanzjarji kollha.

Ir-raba’ għan intermedju jipprova jillimita l-impatt sistemiku ta’ inċentivi ħżiena sabiex jitnaqqas il-periklu morali. Dan jinvolvi t-tisħiħ ta’ istituzzjonijiet li huma sistemikament importanti, filwaqt li jiġu kontrobilanċjati l-effetti negattivi ta’ garanzija impliċita min-naħa tal-gvern. Arranġamenti kredibbli għal likwidazzjoni u riżoluzzjoni ordinati huma wkoll fundamentali biex jiġi indirizzat il-periklu morali. Fl-aħħar, jistgħu jiġu applikati miżuri oħra, fosthom li l-parteċipanti fis-swieq jintalbu jużaw flushom biex jixtru stokks fil-kumpaniji li jkunu qegħdin imexxu (“keep skin in the game”) jew miżuri marbuta mar-rimunerazzjoni tal-amministrazzjoni.

Il-ħames għan intermedju huwa t-tisħiħ tal-infrastrutturi finanzjarji. Dan jista’ jintlaħaq b’żewġ modi ewlenin: bl-indirizzar tal-esternalitajiet fi ħdan l-infrastruttura tas-sistema finanzjarja (3) u bil-korrezzjoni tal-effetti tal-periklu morali li jistgħu joħorġu mill-organizzazzjoni tal-istituzzjoni. Fost dawn jista’ jkun hemm is-sistemi legali, l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu, l-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti u l-prattiki tas-suq.

3.   Għażla tal-istrumenti makroprudenzjali

Wara li jiġu stabbiliti l-għanijiet intermedji tal-politika makroprudenzjali, il-pass li jmiss huwa l-għażla tal-istrumenti li jistgħu jintużaw biex jintlaħqu dawn l-għanijiet. L-istrumenti għandhom jintgħażlu skont l-effikaċja u l-effiċjenza tagħhom biex jilħqu l-għanijiet intermedji u finali.

L-effikaċja tikkonċerna sa liema grad jistgħu jiġu indirizzati n-nuqqasijiet tas-swieq u jintlaħqu l-għanijiet intermedji u finali. Bħala minimu, jinħtieġ mill-inqas strument effikaċi wieħed għal kull għan intermedju (“ir-regola Tinbergen”). Fil-prattika, l-użu ta’ numru ta’ strumenti komplementari jista’ jiġi ġustifikat, l-aktar jekk dan irażżan l-impatt tal-arbitraġġ regolatorju u l-inċertezza dwar il-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni.

Konsiderazzjoni rilevanti f’dan ir-rigward hija kif il-koordinazzjoni tista’ tintuza biex tevita l-arbitraġġ tal-linja politika: filwaqt li xi strumenti huma effikaċi meta jiġu applikati fil-livell tal-pajjiżi (e.g. limiti loan-to-value u loan-to-income), oħrajn jitolbu għall-inqas applikazzjoni fil-livell tal-Unjoni Ewropea (e.g. rekwiżiti tal-margins u l-haircuts, rekwiżit tal-ikklerjar mis-CCP). Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-istrumenti jkollhom xi effetti pożittivi meta jiġu applikati fil-livell tal-pajjiżi, xorta waħda jibbenefikaw mill-koordinazzjoni fl-Unjoni Ewropea kollha. Il-koordinazzjoni mhux biss ittejjeb l-effikaċja tal-istrumenti iżda wkoll tqis it-tixrid pożittiv u negattiv fis-sistemi finanzjarji ta’ Stati Membri oħra kif ukoll tħares il-funzjonament xieraq tas-suq uniku.

L-effiċjenza għandha x’taqsam mal-kisba tal-għanijiet bl-inqas spiża possibbli. Kwistjoni ewlenija hija l-kompromess bejn ir-reżistenza u t-tkabbir, billi t-tisħiħ tar-reżistenza jinvolvi spiża. Dan ifisser li jiġu preferuti strumenti li jsostnu t-tkabbir fit-tul filwaqt li jillimitaw ir-riskju sistemiku, u strumenti li jkollhom anqas impatt fuq strumenti oħra tal-politika.

Tabella 2 turi lista ta’ strumenti makroprudenzjali indikattivi skont l-għanijiet intermedji (4). Barra mill-istrumenti li jidhru f’Tabella 2, l-Istati Membri jistgħu jkunu jridu jagħżlu strumenti li jindirizzaw bl-aħjar mod riskji speċifiċi għall-istabbiltà finanzjarja fil-livell nazzjonali. Barra dan, il-qafas tal-għanijiet u l-istrumenti għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni minn żmien għal żmien u jirrifletti l-avvanzi fl-istat tal-għarfien dwar il-politika makroprudenzjali kif ukoll l-iżvilupp ta’ sorsi ġodda ta’ riskju sistemiku.

Tabella 2

Għanijiet intermedji u strumenti makroprudenzjali indikattivi

1.   Mitigazzjoni u prevenzjoni ta’ żieda eċċessiva fil-kreditu u l-leverage

Bafer kontroċikliku tal-kapital

Rekwiżiti settorjali tal-kapital (inkluż fi ħdan is-sistema finanzjarja)

Proporzjon tal-leverage makroprudenzjali

Rekwiżiti loan-to-value (LTV)

Rekwiżiti loan-to-income/debt (service)-to-income (LTI)

2.   Mitigazzjoni u prevenzjoni ta’ diskrepanza eċċessiva fil-maturità u ta’ nuqqas ta’ likwidità fis-swieq

Aġġustament makroprudenzjali għall-proporzjon ta’ likwidità (e.g. proporzjon ta’ kopertura tal-likwidità)

Restrizzjonijiet makroprudenzjali fuq is-sorsi ta’ finanzjament (e.g. proporzjon nett ta’ finanzjament stabbli)

Limitu makroprudenzjali mhux ippeżat għal finanzjament inqas stabbli (e.g. proporzjon loan-to-deposit)

Rekwiżiti ta’ margins u haircuts

3.   Limitazzjoni tal-konċentrazzjonijiet ta’ skoperturi diretti u indiretti

Restrizzjonijiet fuq skoperturi kbar

Rekwiżit tal-ikklerjar mis-CCP

4.   Limitazzjoni tal-impatt sistemiku ta’ inċentivi ħżiena biex jitnaqqas il-periklu morali

Soprataxxa fuq il-kapital tal-istituzzjonijiet finanzjarji sistemikament importanti (SIFI)

5.   Tisħiħ tar-reżistenza tal-infrastrutturi finanzjarji

Rekwiżiti ta’ margins u haircuts dwar l-ikklerjar mis-CCP

Titjib fid-divulgazzjoni

Bafer strutturali għar-riskju sistemiku

L-użu limitat tal-istrumenti makroprudenzjali jimpedixxi analiżi kwantitattiva b’saħħitha tal-effikaċja u l-effiċjenza tagħhom. Kollox ma’ kollox l-evidenza miġbura mill-esperjenza fil-livell nazzjonali hija limitata. Madankollu l-analiżi tat-trażmissjoni u l-applikazzjoni prattika tal-istrumenti preżentata f’Żieda 1 tindika li l-għarfien huwa aktar avvanzat fir-rigward ta’ ċerti strumenti (e.g. strumenti bbażati fuq il-kapital, limiti għal skoperturi kbar, limiti LTV/LTI) milli fir-rigward ta’ oħrajn (e.g. rekwiżiti ta’ margins u haircuts, rekwiżit tal-ikklerjar mis-CCP). Il-mezzi ta’ trażmissjoni differenti u l-ambitu tal-applikazzjoni tal-istrumenti jsostnu l-possibbiltà ta’ komplementarjetajiet. Hekk, l-istrumenti bbażati fuq il-kapital (li jaffettwaw il-prezzijiet tal-assi) u l-limiti LTV/LTI (li jillimitaw il-kwantità ta’ servizzi finanzjarji) jistgħu jintużaw b’mod parallel biex jillimitaw żieda eċċessiva fil-kreditu. Ir-restrizzjonijiet fuq skoperturi kbar u r-rekwiżiti tal-ikklerjar mis-CCP jistgħu wkoll jiġu applikati kontemporanjament, billi l-għan tagħhom huwa li jikkontrollaw ir-riskju tal-kontroparti f’tipi differenti ta’ tranżazzjonijiet. Barra l-istrumenti li jidhru f’Tabella 2, l-awtoritajiet makroprudenzjali għandhom ikunu involuti fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ rkupru u riżoluzzjoni u l-iskemi ta’ garanziji tad-depożiti, minħabba l-implikazzjonijiet tagħhom biex is-sistema finanzjarja tiffunzjona tajjeb. Filwaqt li xi strumenti speċifiċi mniżżla f’Tabella 2 tfasslu l-aktar għas-settur bankarju, dawn jistgħu jiġu applikati għal setturi oħra. F’Żieda 2 hemm diskussjoni dwar is-sehem li jista’ jkollha l-politika makroprudenzjali fl-assigurazzjoni.

Fl-aħħar, fir-rigward tal-bażi legali tal-istrumenti, ir-Regolament u d-Direttiva li jmiss dwar ir-Rekwiżiti tal-Kapital (CRR u CRD IV) għall-banek u l-kumpaniji kbar tal-investiment huma mistennija jipprovdu l-flessibbiltà biex tonqos il-kalibrazzjoni ta’ xi strumenti preżentati f’Tabella 2 f’ċerti kundizzjonijiet. Dan huwa konformi mal-ittra tal-BERS dwar il-prinċipji għall-politika makroprudenzjali fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar is-settur bankarju (5). L-istrumenti li mhumiex inkorporati fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea (6) jistgħu jiġu implimentati fil-livell nazzjonali jekk ikollhom bażi legali xierqa (7). Madankollu, in-nuqqas ta’ regoli dettaljati fil-livell tal-Unjoni Ewropea ma jfissirx li l-Istati Membri se jkunu ħielsa għalkollox li jimponu regoli nazzjonali, billi xi prinċipji tal-liġi tal-Unjoni Ewropea, bħall-projbizzjoni tad-dħul ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment ħieles tal-kapital, jistgħu jimponu limiti għad-diskrezzjoni nazzjonali.

Żieda 1

Strumenti makroprudenzjali analizzati mill-BERS

Din iż-żieda tipprovdi sommarju tal-fehmiet dwar l-istrumenti makroprudenzjali analizzati mill-BERS, maqsuma skont l-għanijiet intermedji. Tiġbor fil-qosor kif huwa definit kull strument, kif jaħdem (i.e. x’nafu dwar il-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni), it-tipi ta’ indikaturi li flimkien mal-ġudizzju tal-esperti jistgħu jiggwidaw deċiżjoni dwar jekk l-istrument għandux jiġi attivat jew diżattivat, u kif jista’ jikkomplementa strumenti oħra. Filwaqt li l-analiżi kunċettwali diġà tinsab f'fażi avvanzata fil-każ ta' bosta strumenti, l-esperjenza fl-użu tal-biċċa l-kbira ta’ dawn l-istrumenti hija limitata fl-Unjoni Ewropea (għalkemm ċerti strumenti, bħal-limiti LTV/LTI, diġà ġew applikati). It-tkomplija tal-analiżi dwar l-impatt, l-indikaturi u l-ambitu li jista’ jkollhom fir-rigward tal-komplementarjetà se tkun ta’ importanza kbira.

1.   Mitigazzjoni u prevenzjoni ta’ żieda eċċessiva fil-kreditu u l-leverage

Bafer kontroċikliku tal-kapital

Il-bafer kontroċikliku tal-kapital huwa aġġunt mal-kapital tal-bafer ta’ konservazzjoni. L-aġġunt mal-kapital jista' jiżdied jew jonqos b’mod kontroċikliku skont il-varjazzjonijiet maż-żmien fir-riskju sistemiku, b’mod partikolari dawk ikkawżati miċ-ċiklu tal-kreditu. L-għan tal-bafer kontroċikliku tal-kapital huwa li jħares is-sistema bankarja mit-telf li jista’ jkollha meta żieda eċċessiva fil-kreditu tiġi assoċjata ma’ żieda fir-riskju għas-sistema kollha kemm hi. L-istrument għandu effett dirett fuq ir-reżistenza: il-bafers tal-kapital jinbnew fil-perjodi meta jiżdiedu r-riskji għas-sistema kollha u jistgħu jintużaw meta dawn ir-riskji jibdew jonqsu.

Wieħed mill-effetti indiretti possibbli tal-bafer kontroċikliku tal-kapital huwa li jista’ jgħin biex ipatti għall-fażi espansjonistika taċ-ċiklu tal-kreditu billi jnaqqas il-provvista tal-kreditu jew iżid il-kost tal-kreditu. Il-provvista tal-kreditu tista’ tonqos jekk il-banek iżidu l-proporzjon tal-kapital billi jnaqqsu l-assi ppeżati bir-riskju. Il-kost tal-kreditu jista’ jiżdied minħabba żieda fil-kost totali tal-kapital, li l-banek jgħaddu fuq il-klijenti billi jgħollu r-rati tas-self. Iż-żewġ mezzi ta’ trażmissjoni jistgħu jagħtu kontribut biex tonqos il-kwantità tal-kreditu, u dan jgħin biex tiġi evitata l-akkumulazzjoni ta’ riskju għas-sistema kollha kemm hi. Bl-istess mod, rilaxx tal-bafer jista’ jnaqqas ir-riskju li l-provvista tal-kreditu tiġi ristretta mir-rekwiżiti regolatorji tal-kapital meta jdur iċ-ċiklu tal-kreditu. L-inċertezza dwar l-effett indirett hija ogħla milli dwar l-effett dirett u tinħtieġ aktar riċerka f’dan il-qasam. It-trażżin possibbli ta’ żieda fil-kreditu waqt iż-żmien tajjeb taċ-ċiklu tal-kreditu iktar għandu jitqies bħala effett sekondarju li jista’ jkun pożittiv milli għan tar-reġim tal-bafer kontroċikliku tal-kapital.

Min ifassal il-politika dwar il-bafer ċentrali tal-kapital jista’ jiġi ggwidat fil-ġudizzju tiegħu mid-devjazzjoni tal-proporzjon credit-to-GDP imqabbla max-xejra fit-tul kif ukoll minn indikaturi rilevanti oħra. Id-diskussjoni empirika s’issa fil-biċċa l-kbira ffukat fuq il-karatteristiċi tad-differenza fil-credit-to-GDP. Id-differenza tirrappreżenta d-devjazzjoni tal-proporzjon credit-to-GDP imqabbla max-xejra fit-tul, fejn differenza pożittiva titqies bħala sinjal ta’ żieda eċċessiva fil-kreditu. Studji li saru mill-Bank għas-Saldi Internazzjonali (BIS) dwar il-pajjiżi jenfasizzaw il-prestazzjoni storika tajba min-naħa tad-differenza credit-to-GDP bħala indikazzjoni ta’ kriżijiet finanzjarji. Fl-istess ħin, l-esperjenza fil-livell nazzjonali turi li d-differenza mhux dejjem tat l-indikazzjoni ġusta għall-attivazzjoni tal-bafer jew mhux dejjem ħadmet tajjeb biex tindika l-fażi tar-rilaxx. Twaqqaf grupp ta’ esperti tal-BERS biex jipprovdi gwida supplimentari dwar l-iffissar tal-bafer, b’mod partikolari billi jkompli jagħmel analiżi skont il-pajjiżi dwar indikaturi oħra possibbli għall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

Fl-abbozz tas-CRD IV hemm provediment għall-bafer kontroċikliku tal-kapital u għalhekk dan irid jiġi implimentat fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. L-abbozz tar-reġim tal-bafer kontroċikliku tal-kapital jippermetti flessibbiltà biex l-awtoritajiet makroprudenzjali jkunu jistgħu jiffissaw il-bafer skont il-prinċipji u l-gwida dwar l-indikaturi (8) u b’hekk jipprovdi għal livell ta’ reċiproċità.

Rekwiżiti settorjali tal-kapital (fosthom rekwiżiti għall-iskoperturi fi ħdan is-sistema finanzjarja)

Rekwiżiti tal-kapital aggregati bħall-bafer kontroċikliku tal-kapital jistgħu jkunu strumenti x’aktarx goffi meta jittrattaw l-eżuberanza f’setturi partikolari. F’każijiet bħal dawn, ir-rekwiżiti settorjali tal-kapital (9) jistgħu jkunu strument aktar preċiż jekk ir-riskju sistemiku ma jinqabadx b’mod adegwat mir-rekwiżiti mikroprudenzjali. Jistgħu jiġu applikati billi (a) ir-rekwiżiti mikroprudenzjali tal-kapital marbuta ma’ settur jew kategorija ta’ assi partikolari jiġu skalati permezz ta’ multiplikant jew billi (b) tiġi imposta soprataxxa jew tariffa fuq il-kapital mal-iskoperturi ta’ bank għal settur jew kategorija ta’ assi partikolari ppeżati bir-riskju. Jistgħu jiġu stabbiliti wkoll limiti minimi għall-piż tar-riskju.

Il-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni jixbah lil dak tal-bafer kontroċikliku tal-kapital, b’żewġ differenzi. L-ewwel, żieda fir-rekwiżiti tal-kapital għal settur partikolari tibdel il-prezzijiet relattivi u hekk jonqos is-self għal dak is-settur partikolari billi x’aktarx jiżdiedu l-kostijiet marġinali relattivi tal-finanzjament għal dak is-settur. It-tieni, il-banek ikollhom it-tendenza li x’aktarx inaqqsu l-iskopertura milli li jżidu l-ekwità jekk settur jiġi identifikat bħala li jkun partikolarment ta’ riskju.

Dan l-istrument għandu jintuża meta jibda jidher li jkun qiegħed jakkumula riskju sistemiku f’settur jew kategorija ta’ assi partikolari. Indikatur minnhom ta’ akkumulazzjoni bħal din tista’ tkun dejta dwar il-kreditu skont is-settur li tista’ tiġi kkalkulata bħala differenza settorjali credit-to-GDP. Id-dejta komplementari, bħall-ammonti ta’ self b’ipoteka jew il-prezzijiet tal-proprjetà għas-settur tal-proprjetà, ukoll tista’ tkun sinifikattiva biex tindika l-akkumulazzjoni tar-riskju.

L-abbozz tas-CRR jipprevedi l-possibbiltà ta’ aġġustament tar-rekwiżiti tal-kapital għall-proprjetà residenzjali u kummerċjali kif ukoll l-iskoperturi fi ħdan is-sistema finanzjarja għal raġunijiet makroprudenzjali jew ta’ riskju sistemiku, suġġett għal proċedura fil-livell tal-Unjoni Ewropea.

Proporzjon tal-leverage makroprudenzjali

Il-proporzjon tal-leverage huwa definit bħala l-proporzjon tal-ekwitajiet ta’ bank mit-total (mhux aġġustat għar-riskju) tal-assi. Għall-iskopijiet makroprudenzjali, ir-rekwiżit tal-proporzjon tal-leverage jista’ jiġi applikat għall-banek kollha bħala aġġunt u possibilment b’mod li jvarja biż-żmien. B’mod partikolari, fejn jiġu applikati rekwiżiti tal-kapital makroprudenzjali ppeżati bir-riskju b’mod li jvarja fiż-żmien, ir-rekwiżit tal-proporzjon tal-leverage jista’ wkoll jinbidel maż-żmien biex iżomm il-funzjoni tiegħu ta’ sostenn. Bħala strument makroprudenzjali, ir-rekwiżit tal-proporzjon tal-leverage għandu l-vantaġġ li huwa relattivament sempliċi u trasparenti.

Il-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni għar-rekwiżit tal-proporzjon tal-leverage jixbah lil dak tar-rekwiżiti tal-kapital ippeżati bir-riskju. Meta l-proporzjon tal-leverage ikun aktar ristrettiv mir-rekwiżiti ppeżati bir-riskju, il-banek jistgħu jżidu l-ekwitajiet, iżommu l-qligħ jew inaqqsu l-assi biex jagħmlu tajjeb għaż-żieda fir-rekwiżiti (10). Il-prezz tal-kreditu x’aktarx li jkollu jiżdied u l-kwantità tal-kreditu miżjuda tista’ tonqos (11).

Il-proporzjon tal-leverage kultant jitqies bħala indikatur tar-riskju sistemiku. Hekk, studju tal-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (BCBS) sab li l-banek li kellhom bżonn is-sostenn tas-settur pubbliku fil-kriżi finanzjarja reċenti setgħu jiġu identifikati bis-saħħa tal-proporzjon tal-leverage  (12). Barra dan, indikaturi oħra li potenzjalment huma rilevanti wkoll għall-bafer kontroċikliku tal-kapital jistgħu jintużaw biex jiggwidaw id-deċiżjonijiet dwar il-proporzjon tal-leverage.

Meta jiġi adottat bħala strument vinkolanti dettaljat wara perjodu ta’ osservazzjoni skont is-CRR li ġejja, ir-rekwiżit tal-proporzjon tal-leverage jista’ jiġi ristrett għal skopijiet makroprudenzjali, suġġett għal proċedura fil-livell tal-Unjoni Ewropea. Qabel jiġi armonizzat fl-Unjoni Ewropea kollha, huwa maħsuba li l-proporzjon tal-leverage jintuża fil-livell nazzjonali.

Rekwiżiti loan-to-value (LTV) u loan-to-income/debt (service)-to-income (LTI)

Ir-rekwiżit LTV huwa limitu fuq il-valur ta’ self marbut mal-kollateral bażiku (e.g. proprjetà residenzjali). Ir-rekwiżit LTI huwa limitu fuq il-kostijiet tas-servizz tad-dejn marbut mad-dħul disponibbli. Il-punt ta’ referenza jvarja minn dak tal-istrumenti li ġew diskussi s’issa: huwa l-kuntratt bejn il-klijent u l-istituzzjoni finanzjarja, iktar milli l-istituzzjoni nnifisha.

L-iskop makroprudenzjali tal-limiti LTV u LTI huwa li jrażżnu ċ-ċiklu tal-kreditu u jkabbru r-reżistenza tal-istituzzjonijiet finanzjarji. L-effett fuq l-estensjoni taċ-ċiklu tal-kreditu joħroġ mill-impatt mitigatorju li jħallu proporzjonijiet LTV aktar ibsin fuq il-mekkaniżmu tal-“aċċelleratur finanzjarju”: meta mewġa pożittiva ta’ introjtu twassal għal żieda fil-prezzijiet tad-djar, iż-żieda fil-ħruġ ta’ self aktarx tkun inqas fil-pajjiżi li jkollhom proporzjonijiet LTV aktar baxxi. (13) Barra dan, limiti LTV aktar baxxi jistgħu jżidu r-reżistenza tas-sistema bankarja bis-saħħa ta’ inadempjenza aktar baxxa marbuta ma’ telf, filwaqt li limiti LTI aktar baxxi jistgħu jnaqqsu l-probabbiltà ta’ inadempjenza. Il-limiti LTV u LTI ġeneralment jitqiesu bħala strumenti komplementari. Billi l-introjtu huwa aktar stabbli mill-prezzijiet tad-djar, il-limiti LTV jistgħu jsiru aktar restrittivi meta l-prezzijiet tad-djar jibdew jogħlew. Għalkemm fil-prattika l-limiti LTV u LTI ntużaw tipikament bħala limiti statiċi, jistgħu jintużaw ukoll b’mod li jvarja maż-żmien. Madankollu, l-aspettattivi jistgħu jkunu destabilizzanti. Jekk l-individwi jistennew li l-limiti jkunu se jonqsu, jistgħu jgħaġġlu biex joħorġu self bi proporzjonijiet LTV/LTI għoljin.

Għalkemm il-limiti LTV jew LTI ġew applikati f’bosta pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, mhumiex applikati b’mod armonizzat fl-Unjoni Ewropea kollha. Minħabba n-nuqqas ta’ definizjonijiet jew linji gwida armonizzati għal dawn l-istrumenti fil-livell tal-Unjoni Ewropea, ikun siewi li l-BERS jagħmel evalwazzjoni bir-reqqa bil-ħsieb li jipprovdi gwida għall-awtoritajiet makroprudenzjali.

Komplementarjetà

Il-bafer kontroċikliku tal-kapital, ir-rekwiżiti settorjali tal-kapital u r-rekwiżit tal-proporzjon tal-leverage jikkomplementaw lil xulxin fil-fokus tagħhom (min b’mod ġenerali u min b’mod partikolari), fis-sensittività għar-riskju u fl-implimentazzjoni (uħud jindirizzaw manifestazzjonijiet ċikliċi, oħrajn strutturali tar-riskju sistemiku). Xi drabi l-limiti LTV/LTI jitqiesu bħala sostituti tar-rekwiżiti settorjali tal-kapital fir-rigward tas-suq tad-djar. Madankollu, jistgħu jitqiesu bħala komplementari għal strumenti bbażati fuq il-kapital għal għadd ta’ raġunijiet. L-ewwel, filwaqt li l-istrumenti bbażati fuq il-kapital jista’ jkollhom impatt l-aktar fuq il-provvista tal-kreditu, il-limiti LTV/LTI jolqtu l-aktar in-naħa tad-domanda, i.e. il-klijenti tal-banek li joħorġu self. It-tieni, jekk ir-riskju ma jinqabadx biżżejjed, e.g. permezz tar-rekwiżiti settorjali tal-kapital fil-każ tas-suq tad-djar, il-limiti LTV/LTI jistgħu jaġixxu bħala sostenn neċessarju. Fl-aħħar, l-effikaċja tal-istrumenti bbażati fuq il-kapital tista’ tintlaqat mill-ħtieġa ta’ koordinazzjoni bejn l-Istati Membri. Dan ma jgħoddx fil-każ tal-limiti LTV/LTI billi l-punt ta' referenza tagħhom huwa l-kuntratt bejn il-klijent u l-istituzzjoni finanzjarja, iktar milli l-istituzzjoni nnifisha. Għalhekk, huma esposti anqas għall-arbitraġġ regolatorju li jċaqlaq in-negozju għal pajjiżi oħra jew għas-sistema bankarja parallela (shadow banking) (14).

2.   Mitigazzjoni u prevenzjoni ta’ diskrepanza eċċessiva fil-maturità u ta’ nuqqas ta’ likwidità fis-swieq

Aġġustament makroprudenzjali għall-proporzjon tal-likwidità (e.g. proporzjon ta’ kopertura tal-likwidità – LCR) u restrizzjonijiet makroprudenzjali fuq is-sorsi ta’ finanzjament (e.g. proporzjon nett tal-finanzjament stabbli – NSFR)

Il-proporzjon LCR (il-proporzjon tal-assi likwidi ta’ kwalità tajba mit-total tal-ħruġ nett ta’ likwidità fit-30 jum ta’ wara) ikejjel il-kapaċità tal-banek li jifilħu għal perjodu qasir definit minn qabel ta’ tensjoni fil-likwidità u jiżgura li l-assi likwidi tal-banek jistgħu jikkontrobilanċjaw it-tensjoni tal-ħruġ ta’ likwidità għal żmien qasir. Il-kumitat ta’ Basel qabel dwar id-definizzjoni tal-proporzjon LCR. Il-proporzjon NSFR (il-proporzjon tal-ammont disponibbli mill-ammont meħtieġ ta’ finanzjament stabbli) ifittex li jiffissa limitu minimu fuq l-ammont ta’ finanzjament għat-tul li jkollhom il-banek vis-à-vis assi inqas likwidi, iżda l-kumitat ta’ Basel għadu ma qabilx fuq definizzjoni preċiża. L-azzjoni tal-politika makroprudenzjali tista’ tieħu s-sura ta’ suppliment jew xi aġġustament makroprudenzjali ieħor għal-livelli regolatorji fil-każ taż-żewġ strumenti. Ikun possibbli li jintlaqtu biss gruppi speċifiċi ta’ banek (e.g. banek sistemikament importanti) iktar milli s-settur bankarju kollu kemm hu.

L-għan intermedju ewlieni ta’ dawn l-istrumenti huwa li jtaffu d-diskrepanza eċċessiva fil-maturità u r-riskju marbut mal-finanzjament (15). Barra dan, jistgħu jkabbru r-reżistenza tas-sistema għall-kreditu eċċessiv u l-leverage  (16). Il-banek jistgħu jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti ta’ likwidità billi jtawlu l-maturità tal-finanzjament jew jinvestu f’assi likwidi (jew it-tnejn). Biex jevitaw il-proċikliċità, il-banek għandhom jitħallew jużaw il-bafers tagħhom fi żminijiet ta’ tensjoni fil-likwidità.

Fost l-indikaturi li jillimitaw dawn ir-rekwiżiti hemm id-dejta fil-karti tal-bilanċ tal-banek, l-indikaturi ekonomiċi u d-dejta tas-swieq (ekwitajiet, swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu – CDS). Indikaturi bħal tibdil qawwi fl-ammonti u r-rati interbankarji, l-użu tal-faċilitajiet permanenti tal-BĊE, l-użu u d-disponibblità tal-kollateral u sinjali ta’ azzjonijiet fuq il-banek (e.g. ġbid ta’ flus jew pagamenti urġenti) jistgħu jgħinu biex jiġi deċiż meta jkun xieraq li jintreħew il-limiti (17). Xi indikaturi jistgħu jikkoinċidu ma’ dawk relatati mal-istrumenti bbażati fuq il-kapital li jvarjaw maż-żmien.

Il-proporzjon LCR u l-proporzjon NSFR huma mistennija jidħlu bħala rekwiżiti vinkolanti dettaljati permezz tas-CRR mhux qabel perjodi rispettivi ta’ osservazzjoni. Qabel l-armonizzazzjoni tal-istrumenti fil-livell tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri huma mistennija jkollhom il-possibbiltà japplikaw rekwiżiti nazzjonali għal-likwidità jew piżijiet prudenzjali billi jqisu għadd ta’ kunsiderazzjonijiet, fosthom ir-riskju sistemiku marbut mal-likwidità. Barra dan, l-abbozz tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea jipprevedi l-possibbiltà li l-istrumenti tal-likwidità jiġu aġġustati għal skopijiet makroprudenzjali, suġġett għal proċedura fil-livell tal-Unjoni Ewropea.

Limitu makroprudenzjali mhux ippeżat għal finanzjament inqas stabbli (e.g. proporzjon loan-to-deposit)

F’xi pajjiżi ġie applikat limitu mhux ippeżat tal-likwidità għal finanzjament inqas stabbli, bħall-proporzjon loan-to-deposit, bil-ħsieb li jillimita d-dipendenza eċċessiva minn sorsi ta’ finanzjament inqas stabbli. Id-depożiti tal-klijenti ġeneralment jitqiesu bħala sors stabbli ta’ finanzjament, li jfisser li l-proporzjon LTD (jew verżjonijiet estiżi tiegħu) jista’ jintuża biex jillimita d-dipendenza strutturali eċċessiva mill-finanzjament inqas stabbli tas-suq. Madankollu, l-istrument ma jqisx l-istruttura tal-maturitajiet tal-finanzjament tas-suq u l-impatt tiegħu jvarja fost il-banek b’mudelli differenti ta’ negozju. Il-proporzjon tal-finanzjament bażiku (core funding ratio) u dak tal-finanzjament bl-ingrossa (wholesale funding ratio) huma miżuri relatati.

Ir-rekwiżit tal-LTD jista’ jiġi sodisfatt jew billi jonqos is-self jew billi jiżdiedu d-depożiti. L-esperjenza tal-aħħar kriżi wriet li fi żmien ħażin id-depożiti jrendu skont is-self f’xi każijiet billi tal-ewwel jibqgħu stabbli jekk mhux ukoll jiżdiedu (minħabba ċ-ċaqliq minn tipi oħra ta’ tfaddil) filwaqt li d-domanda għal tal-aħħar tonqos minħabba li tonqos l-attività ekonomika. Hekk, il-proporzjon LTD aktarx jimxi maċ-ċiklu u r-rekwiżit relatat ikun restrittiv fi żminijiet ta’ boom ekonomiku u ma jkunx restrittiv fi żmien ħażin. Jista’ jkun hemm inċentivi għal arbitraġġ regolatorju jekk is-self u d-depożiti ma jiġux definiti kif jixraq. Il-banek jistgħu jistabbilixxu strutturi finanzjarji ġodda b’titoli tad-dejn biex ma jiġux inklużi fin-numeratur.

Fejn ikun meħtieġ, il-proporzjon LTD jista’ jintuża biex jindirizza leverage jew kreditu eċċessivi (skont ma juri l-proporzjon credit-to-GDP jew l-iżvilupp tiegħu) u jtejjeb il-pożizzjoni tal-likwidità strutturali tal-banek.

Rekwiżiti ta’ margins u haircuts

Il-haircuts u l-margins inizjali jiddeterminaw il-livell ta’ kollateralizzazzjoni fil-finanzjament assigurat u t-tranżazzjonijiet ta’ derivati. B’mod ġenerali, fit-tranżazzjonijiet b’finanzjament assigurat, il-livell ta’ kollateralizzazzjoni jiġi determinat mill-haircut li tkun ġiet applikata lit-titoli li jkunu daħlu bħala kollateral. Fit-tranżazzjonijiet bid-derivati, il-livell ta’ kollateralizzazzjoni jiddependi primarjament mir-rekwiżit tal-margin inizjali (li jħares il-parteċipanti fis-swieq minn tibdil li jista’ jkun hemm fil-valur tal-pożizzjoni tagħhom fil-każ li l-kontroparti tagħhom tkun inadempjenti) kif ukoll mill-haircut applikata lit-titoli li jintużaw biex jissodisfaw ir-rekwiżit. Il-haircuts u l-margins imposti mill-awtoritajiet superviżorji jistgħu jrażżnu l-booms tal-finanzjament u jikkontrollaw it-tnaqqis tal-finanzjament assigurat fi żmien ħażin, i.e. inaqqsu l-proċikliċità tal-likwidità fis-swieq u potenzjalment itaffu l-ħżin ta’ likwidtà u l-fire sales. Jistgħu jgħinu wkoll biex jillimitaw żieda eċċessiva fil-kreditu u l-leverage.

Jekk jintuża l-metodu through-the-cycle (permezz ta’ settijiet storiċi twal ta’ dejta li jinkludu kundizzjonijiet instabbli u stabbli tas-swieq) dan ifisser li l-margins u l-haircuts ikunu anqas dipendenti mill-kundizzjonijiet attwali tas-swieq. Dan jista’ jiġi komplementat minn suppliment kontroċikliku diskrezzjonali li jirregola l-finanzjament assigurat meta jkun hemm bżonn, u dan jiżgura li r-riskji jiġu pprezzati b’mod aktar realistiku u li tonqos l-eżuberanza. Madankollu, meta r-rekwiżiti jiġu ssikkati, b’mod partikolari fl-aktar perjodu attiv taċ-ċiklu finanzjarju, dan jista’ jiddestabbilizza s-swieq minħabba li jimponi piżijiet fuq il-finanzjament. Minħabba f’hekk il-prezzijiet tal-assi jistgħu jonqsu u dan iżid il-haircuts u l-margins u jista’ jwassal għal spirall negattiv (18).

Il-leġiżlazzjoni attwali ma tipprovdix sehem lill-awtoritajiet makroprudenzjali f’dan il-qasam. Għad-derivati over-the counter (OTC), dan jista’ jiġi kkunsidrat fl-ewwel reviżjoni tar-Regolament dwar l-Infrastruttura tas-Swieq Ewropej (EMIR). Aktar minn hekk, billi l-margins u l-haircuts huma strumenti li jolqtu t-tranżazzjonijiet tas-swieq, se jkunu suġġetti għal arbitraġġ regolatorju u jibbenefikaw minn applikazzjoni globali.

Komplementarjetà

Jista’ jkun hemm komplementarjetà bejn ir-rekwiżiti LCR, NSFR u LTD l-aktar minħabba d-differenzi fil-maturità, fl-ambitu u fis-sensittività tagħhom għar-riskju. L-istrumenti tal-likwidità jistgħu jikkomplementaw ukoll strumenti tas-solvenza, bħall-bafer kontroċikliku tal-kapital, biex jonqos il-leverage u tiżdied ir-reżistenza. Barra dan, ir-rekwiżiti tal-margins u l-haircuts jikkomplementaw il-miżuri speċifiċi għall-banek (l-aktar l-NSFR u l-LTD) billi jista’ jkollhom impatt fuq il-likwidità aggregata tas-swieq u l-istabbiltà tal-finanzjament.

3.   Limitazzjoni tal-konċentrazzjonijiet ta’ skoperturi diretti u indiretti

Restrizzjonijiet fuq skoperturi kbar

Is-CRD tiddefinixxi skopertura kbira bħala “skopertura għal klijent jew grupp ta’ klijenti marbutin … fejn il-valur tagħha huwa daqs jew jaqbeż 10 % tal-fondi tagħha stess”. L-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-kumpaniji ta’ investiment ma jistax ikollhom skopertura ta’ aktar minn 25 % tal-fondi (kapital) tagħhom għal xi klijent jew grupp ta’ klijenti. Is-CRD tipprevedi wkoll li l-Istati Membri għandu jkollhom diskrezzjoni meta jittrattaw ċerti tipi ta’ skoperturi (e.g. għal setturi li jkunu rilevanti sistemikament) minħabba r-riskju tagħhom, li jista’ jagħti lok għal intervent makroprudenzjali. Jekk l-iskoperturi kbar jiġu ristretti, dan jista’ jtaffi r-riskju ta’ konċentrazzjoni u jnaqqas ir-riskju tal-kontroparti u l-possibbiltà ta’ kontaġju (anki għas-settur bankarju parallel) (19). Jillimitaw ukoll is-sensittività tal-istituzzjonijiet finanzjarji għal skossi komuni jew settorjali.

Billi tistabbilixxi limiti fuq l-iskoperturi għal kontropartijiet jew setturi speċifiċi (e.g. il-proprjetà jew istituzzjonijiet finanzjarji oħra) ir-restrizzjoni fuq l-iskoperturi kbar tiffavorixxi direttament li r-riskju jitqassam fis-sistema (20). Ittejjeb ukoll il-profondità tas-suq interbankarju u tiddiversifika l-finanzjament għall-istituzzjonijiet finanzjarji u mhux finanzjarji. Barra dan, il-limiti fuq l-iskoperturi jnaqqsu l-impatt li jista’ jkun hemm minħabba l-inadempjenza ta’ waħda mill-kontropartijiet. Bħal fil-każ tal-biċċa l-kbira tal-istrumenti makroprudenzjali, jista’ jkun hemm proċikliċità: żieda fil-kapital waqt l-booms ekonomiċi tista’ żżid il-limitu fuq l-iskoperturi filwaqt li l-limitu jsir aktar restrittiv meta jonqos il-kapital fi żmien ħażin. Barra dan, ir-restrizzjoni tista’ tfixkel it-tkabbir jew ma tħallix lill-istituzzjonijiet jibbenefikaw mill-kompetenza f’ċerti setturi.

Skont is-CRD, l-istituzzjonijiet finanzjarji huma mitluba jirrappurtaw skoperturi li jaqbżu 10 % tal-kapital. L-analiżi min-netwerks tista’ tuża dan it-tagħrif biex tiddetermina jekk restrizzjonijiet makroprudenzjali jkunux xierqa. Jekk ikun meħtieġ, il-limitu ta’ rappurtar jista’ jonqos biex jinkorpora l-istituzzjonijiet globali sistemikament rilevanti li jkollhom bażi kbira ta’ kapital. L-abbozz tas-CRR jipprevedi l-possibbiltà li r-rekwiżiti tal-iskoperturi kbar jiġu ssikkati fil-livell nazzjonali għal skopijiet makroprudenzjali, skont proċedura fil-livell tal-Unjoni Ewropea.

Rekwiżit tal-ikklerjar mill-kontropartijiet ċentrali (CCP)

Ir-regolaturi jistgħu jitolbu li ċerti tranżazzjonijiet ta’ istituzzjonijiet finanzjarji jiġu kklerjati permezz ta’ kontropartijiet ċentrali (CCP). Is-sostituzzjoni ta’ netwerk ta’ skoperturi bilaterali bi struttura fejn kull parteċipant ikollu skopertura waħda għas-CCP tista’ tqassam mill-ġdid ir-riskju tal-kontroparti u tiċċentralizza l-kontroll tar-riskju u l-ġestjoni tal-inadempjenzi. Dan jista’ jgħin biex it-tixrid jiġi kkontrollat u biex tinżamm l-istabbiltà tas-suq interbankarju.

Madankollu, din il-miżura ġġib magħha wkoll l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet u żżid il-potenzjal ta’ arbitraġġ regolatorju, e.g. billi tħajjar tranżazzjonijiet li ma jkunux suġġetti għall-ikklerjar minn CCP. Barra dan, l-importanza sistemika tas-CCP tiżdied billi dawn jikkonċentraw ir-riskju tal-kontroparti, u dan jista’ jwassal għal poter eċċessiv fis-swieq, periklu morali jew riskju sistemiku (minn inadempjenzi) (21). Barra dan, il-kapaċità tas-CCP fil-ġestjoni tar-riskji u fl-assorbiment tar-riskji fil-biċċa l-kbira tal-każijiet ma ġietx ittestjata, l-aktar fil-livell ta’ tranżazzjonijiet li jista’ jkun ferm ogħla. Għalhekk tkun teħtieġ regolamentazzjoni stretta fir-rigward tas-CCP, inkluż l-iżvilupp ta’ pjanijiet xierqa ta’ riżoluzzjoni u rkupru għas-CCP. Għandu jkun hemm attenzjoni wkoll meta ssir l-għażla ta’ prodotti li jitolbu l-ikklerjar min-naħa tas-CCP.

Fost l-indikaturi xierqa tal-għażla biex jiġi deċiż liema kuntratti għandhom ikunu suġġetti għar-rekwiżit tal-ikklerjar minn CCP hemm il-karatteristiċi ta’ standardizzazzjoni, likwidità, kumplessità u riskju, kif ukoll it-tnaqqis potenzjali tar-riskju sistemiku u l-possibbiltà ta’ armonizzazzjoni internazzjonali.

Qegħdin isiru sforzi globali biex ikun jista’ jsir l-ikklerjar ċentrali ta’ derivati OTC standardizzati. Fl-Unjoni Ewropea dan se jsir permezz tar-regolament EMIR. Madankollu, tinħtieġ aktar riċerka dwar l-effetti tal-implimentazzjoni tiegħu qabel ma jkun jista’ jiddaħħal mal-istrumenti makroprudenzjali. Barra dan, ir-rekwiżit irid jiġi implimentat fl-Unjoni Ewropea kollha kemm hi biex ikun effettiv, jekk mhux ukoll globalment.

Komplementarjetà

Iż-żewġ miżuri msemmijin hawn fuq huma komplementari billi t-tnejn jistgħu jtaffu l-effetti sistemiċi tar-riskju tal-kontroparti fost tipi differenti ta’ tranżazzjonijiet. Filwaqt li r-restrizzjoni fuq l-iskoperturi kbar tnaqqas il-konċentrazzjoni tar-riskju f’kontroparti waħda jew settur wieħed, ir-rekwiżit tal-ikklerjar minn CCP inaqqas it-tixrid tal-inadempjenzi min-naħa tal-kontroparti billi jimmaniġġa r-riskju f’post wieħed fejn ikun jista’ jiġi kkontrollat. Restrizzjonijiet aktar ibsin fuq skoperturi kbar jistgħu jiffunzjonaw ukoll mar-rekwiżiti settorjali tal-kapital jew mal-limiti LTV u l-bafers strutturali biex tissaħħaħ l-istruttura finanzjarja. Fl-aħħar, l-ikklerjar ċentrali għandu jiġi supplimentat bir-rekwiżiti tal-margins u l-haircuts għas-CCP biex isiru reżistenti għar-riskju tal-kontroparti. Dawn għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tat-tranżazzjonijiet li ma jiġux ikklerjati ċentralment.

4.   Limitazzjoni tal-impatt sistemiku ta’ inċentivi ħżiena biex jonqos il-periklu morali

Soprataxxa fuq il-kapital tas-SIFI

L-istituzzjonijiet finanzjarji sistemikament importanti (SIFI) jistgħu jkunu suġġetti għal rekwiżit ta’ bafer supplimentari tal-kapital. L-għan tas-soprataxxa huwa li jtejjeb il-kapaċità tas-SIFI biex jassorbu t-telf. Dan inaqqas il-probabbiltà ta’ ġrajjiet ta’ tensjoni u l-impatt li jista’ jkollhom. Il-bafer tal-kapital jista’ jiġi applikat għall-banek sistemikament importanti, iżda jista’ jiġi estiż għal istituzzjonijiet oħra li jkunu sistemikament importanti.

Il-bafer jista’ jikkoreġi wkoll sussidji potenzjali ta’ finanzjament lis-SIFI b’garanzija impliċita min-naħa tal-gvern. Hekk, jinżammu l-istess kundizzjonijiet għal banek żgħar u ta' daqs medju (mhux sistemiċi) u s-SIFI jkunu mgħammrin aħjar biex jifilħu għall-iskossi. Fuq in-naħa negattiva, is-soprataxxa tista’ tnaffar l-attivitajiet lejn is-settur bankarju parallel u l-istatus tas-SIFI jsir espliċitu, u b’hekk jiġi attivat is-sussidju impliċitu ta’ finanzjament u jkun hemm distorsjoni fil-kompetizzjoni. Kollox ma’ kollox, il-Grupp għall-Evalwazzjoni Makroekonomika (MAG) ikkonkluda li l-benefiċċji tal-istabbiltà finanzjarja marbuta mas-soprataxxa fuq is-SIFI huma akbar mill-ispiża ekonomika (li tidher bħala tnaqqis temporanju fil-PDG).

In-natura sistemika tal-banek (u ta’ istituzzjoniiet oħra) tiġi determinata billi jitqabblu l-indikaturi fil-kategoriji li ġejjin: daqs, interkonnettività, sostitwibbiltà u komplessità. Fil-każ tal-banek, huwa ppjanat li r-rekwiżiti jidħlu b’mod parallel mal-bafers għall-konservazzjoni tal-kapital u mal-bafers kontroċikliċi ta’ Basel III. Is-soprataxxi fuq il-kapital tas-SIFI huma mistennija jidħlu f’xi sura jew oħra fil-livell tal-Unjoni Ewropea bis-CRD IV li ġejja.

Reġimi ta’ rkupru u riżoluzzjoni

L-awtoritajiet regolatorji jeħtieġu strumenti biex jevitaw il-kriżijiet finanzjarji u jtaffu l-effetti tagħhom fil-każ li jinqalgħu. Il-prevenzjoni u l-mitigazzjoni jeħtieġu pjanijiet ta’ rkupru (li jsiru mill-banek) u pjanijiet ta’ riżoluzzjoni (li jsiru mill-awtoritajiet). Is-setgħat ta’ intervent bikri jippermettu lill-awtoritajiet jaġixxu biex jevitaw il-falliment ta’ bank jekk l-azzjonijiet ta’ rkupru li jieħu l-bank ma jkunux biżżejjed. Is-setgħat ta’ riżoluzzjoni jippermettulhom jieħdu l-kontroll ta’ bank li jkun sejjer ħażin jekk il-miżuri preventivi li jieħu l-bank jew l-awtoritajiet ifallu. Din is-sistema, kif proposta fl-abbozz tad-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek (BRRD) għandha l-għan li tnaqqas kemm jista’ jkun l-impatt sistemiku tal-problemi u l-falliment tal-banek billi tiżgura li l-banek ikomplu jiffunzjonaw, billi jiġi kkontrollat l-impatt tal-falliment u jitnaqqas it-telf għal dawk li jħallsu t-taxxi billi l-banek jiġu allokati lil partijiet interessati (e.g. permezz ta’ bail-in jew billi jitħallew lura fi proċedura tal-amministrazzjoni filwaqt li l-funzjonijiet kruċjali jiġu trasferiti lil “bank pont” (bridge bank) jew lil xerrej terza parti. Mill-perspettiva makroprudenzjali, il-BRRD tgħin biex jonqsu kemm jista’ jkun l-implikazzjonijiet ta’ konċentrazzjonijiet tal-iskoperturi, jitjieb l-għarfien tal-konnettività u jittaffa l-impatt tal-esternalitajiet tal-kriżi.

It-trażmissjoni tiffunzjona permezz ta’ żewġ mezzi ewlenin. L-ewwel, tillimita l-periklu morali f’banek sistemikament importanti u s-sussidju impliċitu li jistgħu jgawdu minnu billi tgħin biex jiġi żgurat li l-kredituri, iktar milli terzi partijiet bħall-gvernijiet nazzjonali, iġarrbu t-telf fil-każ tal-falliment ta’ bank. It-tieni, ir-riżoluzzjoni effettiva ttaffi l-impatt ta’ tixrid dirett jew indirett mill-falliment ta’ bank individwali (kontaġju). Tista’ wkoll issaħħaħ il-fiduċja tal-pubbliku fl-istituzzjonijiet finanzjarji. Wieħed jistenna li t-tneħħija tal-garanziji impliċiti min-naħa tal-Istat tikkawża żieda fl-ispejjeż ta’ finanzjament tal-bank u tnaqqis fl-ispejjeż ta’ finanzjament tal-Istat, bejn wieħed u ieħor bl-istess ammonti. Madankollu, l-ispejjeż ta’ finanzjament tal-bank ikunu ħafna ogħla jekk l-unika alternattiva għal salvataġġ (bail-out) min-naħa tal-gvern ikun proċess ta’ falliment diżordinat li jista’ jieħu fit-tul u jqum ħafna flus. Għalhekk, is-sistemi ġenerali għal riżoluzzjoni effettiva għandhom jgħinu biex jitjieb l-aċċess għall-kreditu min-naħa tal-ekonomija reali fi żmien bejn medju u twil.

It-trattament effikaċi tal-banek li jfallu jista’ jiddgħajjef minn nuqqas ta’ setgħat u strumenti ta’ riżoluzzjoni, kredibbiltà insuffiċjenti biex dawn jiġu applikati u finanzjament temporanju baxx wisq biex jipprovdi l-likwidità meħtieġa għas-sostenn tal-miżuri ta’ riżoluzzjoni. Dawn in-nuqqasijiet għandhom jitqiesu u jiġu evitati meta jiġu stabbiliti s-sistemi ta’ riżoluzzjoni.

Komplementarjetà

Is-soprataxxa fuq is-SIFI u s-sistemi ta’ riżoluzzjoni jikkomplementaw lil xulxin biex inaqqsu s-sussidji impliċiti ta’ salvataġġ, id-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni u l-impatt sistemiku tal-inadempjenzi. Is-soprataxxa tista’ titqies bħala komplement ex ante għas-sistemi ex post ta’ riżoluzzjoni (22). Din is-soprataxxa għandha titqies bħala parti minn pakkett ta’ tariffi fuq il-kapital, fosthom il-bafer għall-konservazzjoni tal-kapital, il-bafer kontroċikliku u l-bafer strutturali.

5.   Tisħiħ tar-reżistenza tal-infrastrutturi finanzjarji

Skemi ta’ garanzija tad-depożiti

Fil-każ tal-falliment ta’ bank, skema ta’ garanzija tad-depożiti taġixxi bħala xibka ta’ sigurtà għal dawk li jkollhom kontijiet mal-bank billi tirrimborżahom sa ċertu ammont ta’ kopertura. Skema ta’ garanzija tad-depożiti għalhekk ittejjeb ir-reżistenza tal-infrastrutturi finanzjarji billi tgħin biex ma jsirux azzjonijiet kontra l-banek u ssaħħaħ il-fiduċja fis-sistema finanzjarja. Tissalvagwarda wkoll l-istabbiltà tas-sistemi ta’ pagament billi d-depożiti huma parti integrali minnhom.

Billi d-depożiti tal-banek huma garantiti, id-depożitanti ma jkollhomx inċentivi biex jiġbdu d-depożiti tagħhom fil-każ ta’ problemi fil-banek. Dan jevita l-azzjonijiet kontra l-banek u l-implikazzjonijiet sistemiċi li jmorru magħhom. Fi kliem ieħor, meta l-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti jaġixxu bħal xibka ta’ sigurtà, ikunu qegħdin itejbu l-effiċjenza tas-sistema finanzjarja billi jsaħħu l-fiduċja fiha. L-effikaċja tal-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti tiddependi mill-kredibbiltà tagħhom li hija marbuta ma’ arranġamenti adegwati ta’ finanzjament. Il-finanzjament ex ante tal-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti, ibbażat fuq ir-riskju bankarju, huwa kontroċikliku u għalhekk jista’ jkollu effetti diretti fuq l-istabbiltà makroprudenzjali (23).

Meta l-kopertura tkun kbira ħafna, ma tkunx limitata jew ma tkunx definita tajjeb, jew meta l-finanzjament ma jkunx ibbażat fuq ir-riskju, jistgħu jinqalgħu effetti ta’ inċentivi negattivi. Id-depożitanti jistgħu ma jissorveljawx il-banek mill-qrib u dan iwassal għal periklu morali. Barra dan, skemi ta’ garanzija tad-depożiti li ma jkunux iffinanzjati jistgħu jitolbu pagamenti mingħand il-banek fi żmien ħażin, u dan iwassal għal effetti proċikliċi negattivi. Fl-aħħar, in-nuqqas ta’ koordinazzjoni transkonfinali jista’ jwassal għal kompetizzjoni mhux mixtieqa fost l-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti. Għalhekk huwa importanti li l-Unjoni Ewropea tkompli bl-isforzi tagħha biex tarmonizza l-istruttura tal-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti, anki fil-kuntest tal-abbozz ta’ riformulazzjoni tad-direttiva dwar l-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti li qiegħed jiġi propost mill-Kummissjoni Ewropea. L-awtoritajiet makroprudenzjali għandhom isegwu mill-qrib u jieħdu sehem fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti, b’mod partikolari fejn jidħlu l-kopertura u l-arranġamenti tal-finanzjament.

Rekwiżiti ta’ margins u haircuts dwar l-ikklerjar mis-CCP

Bħal fil-każ tan-negozju li jiġi kklerjat b’mod bilaterali, ir-rekwiżiti tal-margins u l-haircuts tan-negozju li jiġi kklerjat ċentralment jista’ jkollhom implikazzjonijiet sistemiċi. Meta jistabbilixxu haircuts u margins inizjali xierqa, is-CCP għandhom iqisu l-likwidità tas-swieq, l-effetti proċikliċi u r-riskji sistemiċi. B’mod partikolari, il-perjodu ta’ look-back (il-perjodu ta’ żmien użat fil-kalkolu tal-volatilità storika) għandu jiġi stabbilit b’mod li jevita l-proċikliċità eċċessiva. Dan jillimita t-tibdil fir-rekwiżiti tal-margins, li jġib miegħu taqlib, u jistabbilixxi proċeduri trasparenti u prevedibbli għall-aġġustament tar-rekwiżiti. Barra dan, CCP għandha tillimita d-dipendenza mill-klassifikazzjoni kummerċjali tal-kreditu meta tikkalkula l-margins u l-haircuts. Dawn iż-żewġ rekwiżiti jinqabdu fl-abbozz tal-istandards tekniċi li jsostnu l-EMIR.

Meta japplikaw dawn ir-rekwiżiti, is-CCP għandhom jibqgħu flessibbli u responsabbli u jsibu bilanċ bejn il-ħtieġa li jħarsu lilhom infushom u x-xewqa li jiggarantixxu l-istabbiltà sistemika. Billi s-sehem u l-importanza sistemika tas-CCP fis-sistema finanzjarja x’aktarx jiżdiedu fil-ġejjieni, ir-regolamentazzjoni xierqa tas-CCP se ssir aktar importanti, u dan huwa rikonoxxut għal skopijiet mikroprudenzjali fl-EMIR. Għalkemm l-EMIR s’issa mhijiex tipprovdi sehem għall-awtoritajiet makroprudenzjali meta jiġu stabbiliti r-rekwiżiti fuq l-ammont ta’ margins miżmuma mis-CCP, dan jista’ jerġa’ jiġi kkunsidrat fl-ewwel reviżjonijiet programmati.

Titjib fid-divulgazzjoni

Mad-divulgazzjoni għal raġunijiet mikroprudenzjali, l-awtoritajiet makroprudenzjali jistgħu jintroduċu rekwiżiti oħra ta’ divulgazzjoni minħabba r-riskju sistemiku strutturali jew ċikliku. It-trasparenza tippermetti li l-forzi tas-suq jaġixxu bħala mekkaniżmu ta’ dixxiplina għall-imġiba tal-istituzzjonijiet individwali u tippermetti li r-riskju jiġi pprezzat b’aktar preċiżjoni fi ħdan is-sistema finanzjarja. Id-divulgazzjoni għandha l-potenzjal ukoll li tillimita t-tifrix tat-tensjoni fis-sistema finanzjarja billi tnaqqas l-inċertezza dwar id-daqs u l-pożizzjoni ta’ ċerti skoperturi u tar-rabtiet fi ħdan is-sistemi.

Meta jiġi żvelat tagħrif aktar ċar, l-għarfien tar-riskju jista’ jitħeġġeġ u d-dixxiplina tas-suq tista’ titjieb. Dan isaħħaħ il-fiduċja fis-swieq u jissalvagwarda l-istabbiltà finanzjarja, biex hekk jiġu evitati fallimenti tas-swieq bħal dak tas-suq interbankarju wara l-kollass ta’ Lehman Brothers. Min-naħa l-oħra, ir-rekwiżiti tad-divulgazzjoni makroprudenzjali u mikroprudenzjali mhux dejjem ikunu konformi. Titjib aggregat fid-divulgazzjoni jista’, ngħidu aħna, jikxef banek batuti u dan iwassal għal fallimenti individwali mingħajr effetti sistemiċi. B’mod ġenerali, l-evidenza empirika disponibbli ssostni t-titjib fid-divulgazzjoni (24). Għal dik li hija l-implimentazjoni legali, l-abbozz tas-CRR jipprevedi l-possibbiltà ta’ titjib fir-rekwiżiti tad-divulgazzjoni fil-livell nazzjonali għal skopijiet makroprudenzjali permezz ta’ proċedura fil-livell tal-Unjoni Ewropea.

Bafer strutturali għar-riskju sistemiku

Is-CRD IV li ġejja hija mistennija tintroduċi bafer għar-riskju sistemiku biex jiġi evitat u jittaffa r-riskju strutturali (minn hawn ’il quddiem “il-bafer strutturali”) permezz ta’ proċedura fil-livell tal-Unjoni Ewropea. Il-bafer strutturali jista’ jintuża biex isaħħaħ ir-reżistenza tas-sistema bankarja, jew tas-subgruppi tagħha, għall-iskossi li jistgħu jiġu mir-riskju sistemiku strutturali. Dan ir-riskju jista’ jinħoloq minn tibdil fil-leġiżlazzjoni jew fl-istandards tal-kontabilità, minn tixrid ċikliku mill-ekonomija reali, minn sistema finanzjarja kbira għad-daqs tal-PDG jew mill-innovazzjoni finanzjarja li żżid il-komplessità.

Il-bafer strutturali jżid ir-reżistenza billi jżid il-kapaċità tal-assorbiment tat-telf. Jgħaddi r-riskju b’xejra ta’ tnaqqis fuq id-detenturi tal-ekwitajiet u jżid is-solvenza biex hekk inaqqas il-probabbiltà li jseħħ riskju strutturali. Fost l-effetti negattivi li jista’ jkollu bafer strutturali hemm it-telf tal-istess kundizzjonijiet fil-livell transkonfinali, tnaqqis fil-kapital volontarju tal-banek u l-għoti ta' tagħrif kunfidenzjali lis-sistema bankarja parallela. Madankollu, bafers strutturali kbar jillimitaw il-leverage u t-teħid ta’ riskji wkoll.

Huwa diffiċli tidentifika indikaturi għall-applikazzjoni tal-bafer strutturali. Id-dgħufijiet strutturali msemmija aktar ’il fuq jistgħu jservu ta’ gwida. Meta tiżdied l-esperjenza fl-applikazzjoni tal-bafer strutturali, għandha ssir analiżi tal-kapaċitajiet tiegħu biex jindirizza r-riskji strutturali.

Komplementarjetà

Billi l-miżuri msemmija aktar ’il fuq għandhom l-għan li jsaħħu r-reżistenza ġenerali tal-infrastruttura finanzjarja, huma jinteraġixxu ma’ bosta strumenti oħra. Hekk, l-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti jistgħu jikkomplementaw l-istrumenti tal-likwidità billi jiggarantixxu bażi stabbli ta’ depożiti għall-finanzjament. Jistgħu jikkomplementaw ukoll il-bafer strutturali (u strumenti oħra bbażati fuq il-kapital) billi jnaqqsu l-impatt tal-fallimenti. Ir-rekwiżiti tal-margins u l-haircuts għas-CCP u għat-tranżazzjonijiet li ma jiġux ikklerjati ċentralment għandhom jiġu allinjati biex jiġu żgurati l-istess kundizzjonijiet. Barra dan, ir-rekwiżiti tal-margins u l-haircuts (kemm għas-CCP kif ukoll għal tranżazzjonijiet oħra) jistgħu jikkomplementaw il-proporzjonijiet tal-leverage billi jnaqqsu l-leverage eċċessiv. Billi d-divulgazzjoni tnaqqas l-asimmetriji tal-informazzjoni, tista’ ttejjeb il-fiduċja fis-swieq u żżid il-likwidità fis-suq.

L-effett tal-bafer strutturali jista’ jinteraġixxi mal-effetti ta’ strumenti oħra bbażati fuq il-kapital, bħall-bafers kontroċikliċi. Għalhekk tinħtieġ il-koordinazzjoni meta jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-livell aggregat xieraq tar-rekwiżiti tal-kapital.

Żieda 2

L-għanijiet intermedji tal-politika makroprudenzjali fl-assigurazzjoni

Il-kunsiderazzjonijiet makroprudenzjali fil-qasam tal-assigurazzjoni għadhom fil-fażi tal-bidu. Hemm għadd ta’ raġunijiet għal dan:

Il-biċċa l-kbira tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni ħarġu mill-kriżi relattivament mingħajr konsegwenzi;

Ir-riskju sistemiku baxx tal-attivitajiet tradizzjonali tal-assigurazzjoni, li huma kkaratterizzati minn strateġija ta’ investiment li hija predominantement misjuqa mill-obbligazzjonijiet, livell għoli ta’ sostitwibbiltà, u probabbiltà żgħira ta’ azzjonijiet negattivi;

In-nuqqas ta’ standard internazzjonali dwar is-superviżjoni tal-assigurazzjoni, għalkemm l-introduzzjoni tal-qafas Solvenza II għandha tistabbilixxi standard komuni għall-Unjoni Ewropea.

Madankollu, xi kumpaniji tal-assigurazzjoni wessgħu l-operazzjonijiet tagħhom għal attivitajiet li għandhom probabbiltà akbar li jikkontribwixxu għar-riskju sistemiku, jew li jamplifikawh. B’mod partikolari, l-attivitajiet mhux tradizzjonali tal-assigurazzjoni u l-attivitajiet mhux assigurattivi jistgħu jwasslu għal skoperturi komuni korelatati maċ-ċiklu finanzjarju jew tan-negozju. Dan huwa l-każ, ngħidu aħna, tat-tranżazzjonijiet swap ta’ inadempjenza tal-kreditu (CDS) mhux għal skopijiet ta’ hedging  (25).

L-attivitajiet mhux tradizzjonali tal-assigurazzjoni jista’ jkollhom implikazzjonijiet akbar għas-sistema finanzjarja u l-ekonomija, bħal fil-każ ta’ garanziji finanzjarji użati qabel il-kriżi biex itejbu l-klassifikazzjoni ta’ prodotti strutturati kumplessi. L-attivitajiet mhux assigurattivi (e.g. is-self ta’ titoli) u strutturi ta’ gruppi (e.g. il-“bancassurance”) jistgħu wkoll iżidu l-interkonnettività fis-sistema finanzjarja. Dawn it-tipi ta’ attivitajiet jitqiesu wkoll bħala li jkollhom rilevanza sistemika akbar min-naħa tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tas-Superviżuri tal-Assigurazzjoni (IAIS) li tużahom biex tidentifika assiguraturi globali sistemikament importanti.

L-impożizzjoni ta’ miżuri fuq attivitajiet assigurattivi mhux tradizzjonali u attivitajiet mhux assigurattivi kif definiti mill-IAIS hija diffiċli. Dan għaliex m’hemmx separazzjoni distinta u l-istess attivitajiet sikwit jiġu klassifikati b’mod differenti mis-superviżuri (e.g. il-ġestjoni tal-assi minn terzi partijiet). Għalhekk, tinħtieġ analiżi “substance over form” biex jiġi determinat ir-riskju ta’ prodott jew servizz speċifiku.

Barra l-kunsiderazzjonijiet strutturali msemmija hawn fuq, ir-riskju sistemiku fis-settur tal-assigurazzjoni għandu dimensjoni ċiklika, billi l-assiguraturi huma investituri importanti u jistgħu jidħlu għal assi x’aktarx ta’ riskju. Fl-Unjoni Ewropea, il-qafas Solvenza II introduċa l-valutazzjoni tal-karti tal-bilanċ tal-assiguraturi b’konsistenza mas-suq. Dan jinvolvi l-valutazzjoni tal-attiv skont is-suq, filwaqt li l-passiv jiġi valutat permezz ta’ skont fuq il-likwidità bl-użu ta’ rati tal-imgħax mingħajr riskju. Dan iwassal għal karti tal-bilanċ u livelli ta’ kapital varjabbli għall-assiguraturi li jbigħu prodotti għat-tul. Dan jista’ jħarrax l-iżviluppi proċikliċi fi ħdan is-settur u fis-sistema finanzjarja kollha. Fi żmien tajjeb, l-eżuberanza fil-prezzijiet tal-assi b’riskju tista’ testendi l-kapital b’konsistenza mas-suq, relattiv għar-rekwiżiti regolatorji tal-kapital, filwaqt li l-kapital jonqos fi żmien ħażin. Dan jista’ jiġġenera l-kapaċità għat-teħid eċċessiv ta’ riskji fi żmien tajjeb u pressjoni biex jitwarrbu assi b’riskju fi żmien ħażin. Għalhekk, Solvenza II bħalissa fiha mekkaniżmi kontroċikliċi, fosthom id-“dampener” tal-ekwitajiet għar-riskji tal-ekwitajiet, il-possibbiltà ta’ perjodu ta’ rkupru estiż u l-estrapolazzjoni tal-kurva tar-rati tal-imgħax mingħajr riskji għal rata fissa ultimate forward. Barra dan, għaddejjin diskussjonijiet dwar l-inklużjoni tal-“primjum kontroċikliku” u l-“aġġustamenti abbinati”, li t-tnejn għandhom l-għan li jikkoreġu l-livelli tal-kapital billi jqisu l-volatilità eċċessiva. Mingħajr tfassil b’attenzjoni, uħud minn dawn il-mekkaniżmi li qegħdin jiġu proposti jistgħu joħolqu konsegwenzi mhux mixtieqa kemm għall-assiguraturi kif ukoll għas-sistema kollha kemm hi. Huwa importanti li dawn il-mekkaniżmi jkunu trasparenti u jħeġġu, fi żmien tajjeb, l-akkumulazzjoni ta’ bafers li jistgħu jintużaw fi żmien ħażin.

Kollox ma’ kollox, wieħed jista’ jargumenta li d-dimensjoni strutturali tar-riskju sistemiku għandha x’taqsam l-aktar mal-attivitajiet mhux tradizzjonali u mhux assigurattivi. Dawn huma l-attivitajiet li x’aktarx jifirxu r-riskji fis-sistema finanzjarja u jistgħu jiġu inkwadrati fit-termini tal-għanijiet u l-istrumenti intermedji mfissra f'dan id-dokument. Minħabba li dawn l-attivitajiet jikkostitwixxu kriterji rilevanti għall-identifikazzjoni ta’ assiguraturi sistemikament importanti, huma jidħlu fl-għan intermedju li jillimita l-impatt sistemiku ta’ inċentivi ħżiena bil-ħsieb li jonqos il-periklu morali. Ta’ min jinnota li, madankollu, din is-sitwazzjoni seħħet anqas sikwit fil-każ tal-assiguraturi milli fil-każ tal-banek. Id-dimensjoni strutturali tintrabat ukoll mal-interkonnettività tal-assigurazzjoni u entitajiet oħra tas-settur finanzjarju kif ukoll mal-potenzjal ta' kontaġju mir-riskju li dan iġib miegħu. Dan jidħol fl-għan intermedju tal-limitazzjoni tal-konċentrazzjonijiet ta’ skoperturi diretti u indiretti. Fl-aħħar, id-dimensjoni ċiklika tintrabat mill-qrib mat-teħid endoġenu tar-riskji u mal-fire sales.


(1)  BERS/2011/3, http://www.esrb.europa.eu/pub/pdf/recommendations/2011/ESRB_2011_3.mt.pdf

(2)  Il-materjal huwa kbir wisq biex jinġabar hawn fil-qosor. Ara, pereżempju, Brunnermeier, M., Crockett, A., Goodhart, C., Persaud, A. u Shin, H. (2009), “The Fundamental Principles of Financial Regulation”, Geneva Report on the World Economy 11, ICBM, Ġinevra, u CEPR, Londra; Gorton, G. u He, P. (2008), “Bank Credit Cycles”, Review of Economic Studies 75(4), pp. 1181-1214, Blackwell Publishing; Bank of England (2009), “The Role of Macro-prudential Policy”, A Discussion Paper; Bank of England, (2011), “Instruments of macroprudential policy”, A Discussion Paper; Hellwig, M. (1995), “Systemic aspects of risk management in banking and finance”, Schweizerische Zeitschrift für Volkswirtschaft und Statistik, 131, pp. 723-737; Acharya, V.V. (2009), “A Theory of Systemic Risk and Design of Prudential Bank Regulation”, Journal of Financial Stability, 5(3), pp. 224-255; Hanson, S., Kashyap, A. u Stein, J. (2011), “A Macro-prudential Approach to Financial Regulation”, Journal of Economic Perspectives 25, pp. 3-28; Longworth, D. (2011), “A Survey of Macro-prudential Policy Issues”, Mimeo, Carleton University.

(3)  Id-dmir ta’ sorveljanza tal-banek ċentrali normalment jitqies element integrali tal-funzjoni tagħhom għall-garanzija tal-istabbiltà finanzjarja. Irrispettivament mill-arranġamenti istituzzjonali, l-awtorità makroprudenzjali għandha taħdem b’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtorità inkarigata mis-sorveljanza tal-infrastruttura biex jintlaħaq dan l-għan intermedju.

(4)  L-istrumenti jintgħażlu minn “lista twila” tal-istrumenti potenzjali kollha abbażi ta’ analiżi tal-“gap” minn fuq għal isfel u ta’ stħarriġ fost membri tal-Grupp ta’ Ħidma tal-BERS dwar l-Istrumenti skont il-kriterji tal-għażla msemmija hawn fuq.

(5)  BERS, Principles for macro-prudential policies in EU legislation on the banking sector, 2 April 2012, http://www.esrb.europa.eu/news/pr/2012/html/pr120402.en.html

(6)  Xi strumenti li mhumiex inklużi f’Tabella 2 huma previsti fil-leġiżlazzjoni tal-UE (e.g. il-projbizzjoni fuq short-selling).

(7)  Inventarju tal-BERS dwar l-istrumenti li mhuwiex inkorporat fil-liġi tal-UE jindika li: il-limiti LTV huma disponibbli fil-qafas prudenzjali nazzjonali ta’ 16-il Stat Membru, iżda sebgħa biss minnhom jistgħu jużawhom għal skopijiet makroprudenzjali; il-limiti LTI jinsabu fil-qafas prudenzjali nazzjonali ta’ 12-il Stat Membru, iżda tnejn biss minnhom jistgħu jużawhom għal skopijiet makroprudenzjali; il-proporzjon mhux ippeżat tal-likwidità jinsab fil-qafas prudenzjali nazzjonali ta’ tliet Stati Membri u jista’ jintuża wkoll għal skopijiet makroprudenzjali; ir-reġimi/il-pjanijiet ta’ rkupru u riżoluzzjoni jinsabu fil-qafas prudenzjali nazzjonali ta’ 11-il Stat Membru, u tmienja minnhom jistgħu jużawhom għal skopijiet makroprudenzjali. F’sitt Stati Membri, ittieħdu xi passi biex jiġi implimentat reġim simili. F’erbgħa minn dawn il-pajjiżi, il-pjanijiet ta’ rkupru jew riżoluzzjoni huma mistennija jkunu disponibbli għal skopijiet makroprudenzjali.

(8)  Il-prinċipju ta’ “constrained discretion” jinvolvi gwida min-naħa tal-BERS, l-iffissar ta’ punt ta’ referenza ma’ varjant makroekonomiku, komunikazzjoni u trasparenza.

(9)  Ir-rekwiżiti settorjali tal-kapital ikopru kemm il-piżijiet tar-riskju kif ukoll il-kalibrazzjoni ta’ mudelli bbażati fuq klassifikazzjoni interna (Internal Ratings Based Models) għal setturi speċifiċi jew kategoriji ta’ assi.

(10)  Ara d-diskussjoni dwar il-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni għal strumenti tal-kapital ippeżati b’riskju.

(11)  Il-maqlub għandu jgħodd meta jintreħew ir-rekwiżiti. Il-pressjonijiet tas-suq jistgħu, madankollu, jimplikaw li l-banek ma jkunux jistgħu jbaxxu l-proporzjon tagħhom tal-leverage (jew tal-kapital ippeżat b’riskju) bl-ammont sħiħ, u dan inaqqas mill-effikaċja tal-istrumenti fi żmien ħażin.

(12)  Ara BCBS (2010), “Calibrating regulatory minimum capital requirements and capital buffers: a top-down approach”. Barra dan, xi studji oħra sabu li l-leverage huwa indikatur b’saħħtu tar-riskju sistemiku – pereżempju Barrell, Davis u Liadze (2010), “Calibrating Macro-prudential Policy”; Kato, Kobayashi u Sita (2010), “Calibrating the level of capital: the way we see it”; Adrian u Shin (2010), “Liquidity and Leverage”; u Papanikolaou u Wolff (2010), “Leverage and risk in US commercial banking in the light of the current financial crisis”.

(13)  Almeida, H., Campello, M. u Liu, C. (2006), “The financial accelerator: evidence from international housing markets”, Review of Finance 10, pp. 1-32.

(14)  Madankollu, il-limiti LTV jistgħu jkunu suġġetti għas-suriet tagħhom ta’ ċirkonvenzjoni, billi jirrikorru għal self mhux kollateralizzat. Sakemm il-banek ikollhom id-diskrezzjoni biex jiġġudikaw il-valur tal-kollateral (e.g. meta parti mis-self jintuża biex titjieb il-kwalità tad-dar) jista’ jkollhom inċentiv biex jagħtu valutazzjonijiet ottimistiċi żżejjed sabiex itaffu l-impatt ta’ limitazzjoni fl-LTV.

(15)  L-evidenza dwar l-effikaċja tal-istrumenti makroprudenzjali bbażati fuq il-likwidità hija rari. Xi studji juru li l-applikazzjoni kontroċiklika tal-LCR jew l-NSFR hija ta’ benefiċċju biex tindirizza t-tensjoni fil-likwidità. Ara, pereżempju, Giordana u Schumacher, “The impact of the Basel III liquidity regulations on the bank lending channel: A Luxembourg case study”, Working Paper No. 61, Ġunju 2011; Bloor, Craigie u Munro, “The macroeconomic effects of a stable funding requirement”, Reserve Bank of New Zealand Discussion Paper Series DP 2012/05, Awwissu 2012; jew Van den End u Kruidhof, “Modelling the liquidity ratio as a macro-prudential instrument”, DNB Working Paper No 342, April 2012.

(16)  Ara l-Grupp ta’ Ħidma CGFS dwar Selection and Application of Macro-prudential instruments (SAM), “Transmission Mechanisms of Macro-prudential Instruments”, rapport interim ta’ Workstream 4, Marzu 2012.

(17)  Heijmans u Heuver, “Is this bank ill? The diagnosis of doctor Target 2”, DNB Working Paper No. 316, Awwissu 2011.

(18)  Ara, e.g. Brunnermeier, M. u Pedersen, L. (2009), “Market Liquidity and Funding Liquidity,”Review of Financial Studies, Society for Financial Studies, vol. 22(6), pp. 2201-2238, u Gorton, G. u Metrick, A. (2012), “Securitized banking and the run on repo,”Journal of Financial Economics, Elsevier, vol. 104(3), pp. 425-451.

(19)  L-evidenza empirika speċifika hija rari, iżda l-esperjenza storika turi li l-konċentrazzjoni f’ċerti setturi (sikwit il-proprjetà) tinsab fl-epiċentru tan-nuqqas ta’ stabbiltà finanzjarja.

(20)  Ta’ min jinnota li l-iskoperturi għad-dejn sovran bħalissa huma eżentati mir-restrizzjonijiet fuq skoperturi kbar.

(21)  Għal aktar diskussjoni dwar dawn l-effetti negattivi ara, pereżempju, Pirrong, C, (2011), “The economics of central clearing: theory and practice”, International Swaps and Derivatives Association Discussion Paper No 1 u Singh, M., (2011), “Making OTC Derivatives Safe — A Fresh Look”, IMF Working Paper 11/66.

(22)  Ara, pereżempju, Claessens, Herring u Schoenmaker, 2010, “A Safer World Financial System: Improving the Resolution of Systemic Institutions”, Geneva Reports on the World Economy (Londra, Renju Unit: CEPR), u Claessens et al, “Crisis Management and Resolution: Early Lessons from the Financial Crisis”, IMF Staff Discussion Note 11/05, 9 ta’ Marzu 2011.

(23)  Ara, pereżempju, Acharya, Santos u Yorulmazer: “Systemic Risk and Deposit Insurance Premiums”, FRBNY Economic Policy Review, Awwissu 2010.

(24)  Hirtle, B., 2007, “Public disclosure, risk, and performance at bank holding companies”, Staff Report no. 293, Federal Reserve Bank of New York; Goldstein, M. A., Hotchkiss, E. S., Sirri, E. R., 2007, “Transparency and liquidity: A controlled experiment on corporate bonds”, The Review of Financial Studies 20(2), 235-273; Botosan, C. A., 1997, “Disclosure Level and the Cost of Equity Capital”, The Accounting Review, Vol. 72, No 3, pp. 323-349.

(25)  Assoċjazzjoni Internazzjonali tas-Superviżuri tal-Assigurazzjoni (IAIS), 2011, “Insurance and Financial Stability”.


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

15.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 170/20


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Każ COMP/M.6915 – OJSC Unimilk Company/NDL International/JV)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2013/C 170/02

Fit-3 ta’ Ġunju 2013, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq komuni. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)b tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004. It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss fl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

Fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta' amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/en/index.htm) fid-dokument li jġib in-numru 32013M6915. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi Ewropea.


15.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 170/20


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Każ COMP/M.6909 – Qatar Investment Authority/Kingdom Holding Company/FRHI Holdings)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2013/C 170/03

Fis-6 ta’ Ġunju 2013, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq komuni. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)b tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004. It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss fl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

Fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta' amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/en/index.htm) fid-dokument li jġib in-numru 32013M6909. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi Ewropea.


15.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 170/21


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Każ COMP/M.6889 – Sogecap/Cardif/Ensemble Immobilier Clichy-la-Garenne)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2013/C 170/04

Fit-13 ta’ Mejju 2013, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq komuni. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)b tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004. It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss fl-Franċiż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

Fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta' amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/en/index.htm) fid-dokument li jġib in-numru 32013M6889. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi Ewropea.


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

15.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 170/22


Rata tal-kambju tal-euro (1)

L-14 ta’ Ġunju 2013

2013/C 170/05

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,3303

JPY

Yen Ġappuniż

126,37

DKK

Krona Daniża

7,4582

GBP

Lira Sterlina

0,85150

SEK

Krona Żvediża

8,6096

CHF

Frank Żvizzeru

1,2322

ISK

Krona Iżlandiża

 

NOK

Krona Norveġiża

7,6405

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

25,718

HUF

Forint Ungeriż

291,41

LTL

Litas Litwan

3,4528

LVL

Lats Latvjan

0,7017

PLN

Zloty Pollakk

4,2347

RON

Leu Rumen

4,4588

TRY

Lira Turka

2,4674

AUD

Dollaru Awstraljan

1,3841

CAD

Dollaru Kanadiż

1,3524

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

10,3258

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,6469

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,6638

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 498,62

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

13,2051

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

8,1558

HRK

Kuna Kroata

7,4718

IDR

Rupiah Indoneżjan

13 139,52

MYR

Ringgit Malażjan

4,1445

PHP

Peso Filippin

56,895

RUB

Rouble Russu

42,2453

THB

Baht Tajlandiż

40,681

BRL

Real Brażiljan

2,8302

MXN

Peso Messikan

16,8411

INR

Rupi Indjan

76,5390


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


15.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 170/23


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-14 ta’ Ġunju 2013

li tikkonċerna l-finanzjament għas-sena 2013 ta' attivitajiet fil-qasam veterinarju li huma marbutin mal-politika tat-tagħrif tal-Unjoni Ewropea u s-sostenn ta' organizzazzjonijiet internazzjonali, ma' għadd ta' miżuri meħtieġa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-għalf u l-ikel u s-saħħa tal-pjanti

2013/C 170/06

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 (1) dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (minn hawn’ il quddiem imsejjaħ “ir-Regolament Finanzjarju”), u b’mod partikolari l-Artikolu 84 tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (2), u b’mod partikolari l-Artikoli 16, 19, 20, 21, 23 u 27 tagħha,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (3), u b'mod partikolari l-Artikolu 76(1) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (4) u partikolarment, l-Artikolu 66(1)(c) tiegħu,

Billi:

(1)

B’konformità mal-Artikolu 84 tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 94 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (5) (minn hawn ’il quddiem magħruf bħala “ir-Regoli ta’ Applikazzjoni”), l-impenn tan-nefqa mill-baġit tal-Unjoni għandu jkun ippreċedut minn deċiżjoni ta' finanzjament li tistabbilixxi l-elementi essenzjali tal-azzjoni li tinvolvi n-nefqa u li tkun adottata mill-istituzzjoni jew mill-awtoritajiet li lilhom ġew iddelegati s-setgħat mill-istituzzjoni.

(2)

Ir-Regoli ta' Applikazzjoni jidentifikaw il-grad ta’ dettall meqjus biżżejjed biex jiddeskrivu l-qafas ta’ deċiżjoni ta’ finanzjament.

(3)

Skont l-Artikolu 128 tar-Regolament Finanzjarju, għandu jiġi adottat programm ta’ ħidma annwali għall-għotjiet.

(4)

Jeħtieġ li jiġi stabbilit programm ta' ħidma għall-attivitajiet tal-Unjoni Ewropea fil-qasam veterinarju marbutin mal-politika ta' tagħrif, mal-appoġġ għall-organizzazzjonijiet internazzjonali, u mal-kompjuterizzazzjoni tal-proċeduri veterinarji.

(5)

Peress li l-programm ta' ħidma fl-annessi huwa qafas dettaljat biżżejjed fis-sens tal-Artikolu 94 tar-Regoli ta' Applikazzjoni, id-deċiżjoni preżenti tikkostitwixxi deċiżjoni ta' finanzjament għall-infiq previst fil-programm ta' ħidma għal għotjiet u akkwisti.

(6)

Skont l-Artikolu 22 tad-Deċiżjoni 2009/470/KE, l-Unjoni tista' twettaq, jew tgħin lill-Istati Membri jew lill-organizzazzjonijiet internazzjonali biex iwettqu, il-miżuri tekniċi u xjentifiċi meħtieġa għall-iżvilupp ta' leġiżlazzjoni veterinarja tal-Unjoni u għall-iżvilupp ta’ edukazzjoni jew taħriġ veterinarju.

(7)

B'konformità mal-Artikolu 53d tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (6), l-uffiċjal awtorizzanti ġab prova li l-organizzazzjonijiet internazzjonali OIE u FAO, li se jingħataw il-kariga li jimplimentaw il-baġit tal-Unjoni permezz ta' amministrazzjoni konġunta, japplikaw standards li joffru garanziji ekwivalenti għal dawk aċċettati internazzjonalment fil-proċeduri tagħhom ta' kontabilità, tal-awditjar, tal-kontroll intern u tal-akkwist.

(8)

Intemm proġett konġunt bejn l-UE u l-OIE dwar l-istudju dwar l-elenkar u l-klassifikazzjoni ta' mard tal-annimali ta' prijorità, li jinkludi dak il-mard li jista' jitgħadda lill-bnedmin. Fil-qafas ta' dan il-proġett ġie żviluppat strument għall-klassifikazzjoni u l-prijoritizzazzjoni tal-mard. Fil-preżent jinħtieġ kontribut finanzjarju għall-ġbir tal-informazzjoni u biex l-istrument jiġi addattat għall-użu fuq mard tal-annimali akwatiċi, dan huwa meħtieġ għall-elenkar tal-mard skont il-Liġi l-ġdida tal-UE dwar is-Saħħa tal-Annimali.

(9)

Fid-29 ta’ Novembru 2003, l-Unjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Uniti ffirmaw Ftehim ta’ Qafas Finanzjarju u Amministrattiv, li pprovda ambjent favorevoli biex jiffaċilita li jseħħ il-Ftehim bejn il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti, iffirmat fis-17 ta’ Lulju 2003.

(10)

B'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/492/KE tat-22 ta' Ġunju 2009 dwar kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità lejn il-Fond Fiduċjarju 911100MTF/INT/003/KEE (7) għall-għajnuna fil-kampanja kontra l-marda tal-ilsien u d-dwiefer barra mill-Komunità, fl-1 ta' Settembru 2009 l-Kummissjoni Ewropea kkonkludiet il-Ftehim ta' Implimentazzjoni MTF/INT/003/KEE dwar “Attivitajiet Iffinanzjati mill-KE (2009-2013) imwettqa mill-Kummissjoni Ewropea tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) għall-Kontroll tal-Marda tal-Ilsien u d-Dwiefer (EuFMD)”. Il-Ftehim kien validu għal 48 xahar. Billi t-tifqigħat tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer, u, f'ċerti każi, epidemiji qawwijin għadhom iseħħu f'pajjiżi terzi ġirien tal-Istati Membri li x'aktarx jheddu l-istatus ta' saħħa ta' bhejjem li jkunu suxxettibbli fl-Istati Membri, jixraq li jiġġedded il-Ftehim ta' Implimentazzjoni u li tiġi ffissata l-kontribuzzjoni tal-Unjoni lejn il-Fond Fiduċjarju 911100MTF/INT/003/KEE.

(11)

Jixraq li l-kontribuzzjoni tal-Unjoni tiġi ffissata għal livell massimu ta' EUR 4 000 000 għal 24 xahar. Il-baġit tal-Fond Fiduċjarju għall-2013 għandu jkun magħmul mill-bilanċ finali tal-fondi tiegħu fil-31 ta' Awwissu 2013 u minn kontribuzzjoni mill-Unjoni biex jinġabar ammont ekwivalenti għal EUR 2 000 000 f'Dollari Amerikani. L-infiq sussegwenti għandu jinżied mill-ġdid permezz ta' trasferimenti annwali jew ta' skeda ta' pagamenti speċifikata fi ftehim ġdid ta' implimentazzjoni li jiġi konkluż abbażi tal-Ftehim Finanzjarju u Amministrattiv ta' Qafas għall-finanzjament tal-Unjoni ta' programmi tan-Nazzjonijiet Uniti.

(12)

Il-paragrafu (a)(i) tal-Artikolu 19 tad-Deċiżjoni 2009/470/KE jipprevedi li l-Unjoni għandha tagħmel kontribuzzjoni finanzjarja għall-ġbir u l-ħażna ta' kull tagħrif marbut mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa tal-annimali, it-trattament xieraq tagħhom u s-sikurezza fl-ikel fi prodotti li joriġinaw mill-annimali.

(13)

Tinħtieġ kontribuzzjoni finanzjarja biex jingħata aċċess għal bażi tad-dejta interattiv dwar il-leġiżlazzjoni veterinarja, biex l-Istati Membri jkollhom aċċess għall-informazzjoni ta' natura veterinarja fuq bażi annwali.

(14)

L-Artikolu 13 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (8) jirrikjedi li l-Unjoni u l-Istati Membri jatu każ bir-reqqa tal-ħtiġijiet tal-benesseri tal-annimali fil-formulazzjoni u l-implimentazzjoni ta' xi wħud mill-politiki tal-Unjoni. Wara l-komunikazzjoni mingħand il-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali 2012-2015 (9), jixraq li l-inizjattivi mmirati lejn l-implimentazzjoni ta' din l-istrateġija jiġu ffinanzjati.

(15)

Fis-snin ta’ qabel saru xi attivitajiet ta' komunikazzjoni biex jippromwovu kwistjonijiet dwar is-saħħa tal-annimali u l-prinċipji tal-Istrateġija dwar is-Saħħa tal-Annimali lill-partijiet interessati, l-organizzazzjonijiet u s-soċjetà kollha kemm hi. Jixraq li dawn l-attivitajiet ta' komunikazzjoni, inklużi dawk orizzontali, ikomplu fl-2013.

(16)

L-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni 2009/470/KE jistipula l-kontribut finanzjarju tal-Unjoni għall-implimentazzjoni ta' programmi nazzjonali ta' eradikazzjoni u sorveljanza. Skont dan l-istess Artikolu, il-Kummissjoni għandha tivvaluta dawn il-programmi. Se ssir valutazzjoni minn qabel minn esperti esterni ta' dawn il-programmi ppreżentati għall-2014.

(17)

Il-ġlieda kontra l-kummerċ ta' prodotti illegali u foloz għall-protezzjoni tal-pjanti hija meħtieġa għall-ħarsien tas-saħħa tal-bnedmin u tal-annimali u kif ukoll tal-ambjent. Skont l-Artikolu 76(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, il-Kummissjoni tista’ tidħol f’nefqa għall-attivitajiet li jikkontribwixxu għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

(18)

Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 jistabbilixxi r-regoli ġenerali għat-twettiq tal-kontrolli uffiċjali biex jivverifikaw il-konformità mar-regoli mmirati, partikolarment, biex jipprevjenu, jeliminaw jew inaqqsu għal livelli aċċettabbli r-riskji lill-bnedmin u lill-annimali, kemm direttament jew mill-ambjent, billi jiggarantixxu prattiċi ġusti fil-kummerċ tal-għalf jew tal-ikel u jipproteġu l-interessi tal-konsumatur, inkluż it-tikkettjar tal-għalf u tal-ikel u forom oħra ta' tagħrif għall-konsumatur.

(19)

Skont l-Artikolu 66(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, l-appropjazzjonijiet meħtieġa għall-iffinanzjar ta' miżuri oħrajn meħtieġa biex tkun żgurata l-applikazzjoni ta' dan ir-regolament għandhom jiġu awtorizzati kull sena fil-qafas tal-proċedura baġitarja. Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 66 jinkludu partikolarment l-organizzazzjoni tal-istudji, il-pubblikazzjoni tat-tagħrif u l-organizzazzjoni ta' laqgħat u konferenzi.

(20)

Studju wieħed qajjem dubju dwar il-validità tal-metodu ta' detezzjoni tas-CEN, EN 1785:2003. Jeħtieġ li dan jittenna biex tiġi vverifikata l-validità ta' dan il-metodu.

(21)

L-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) hija organizzazzjoni li hija magħrufa mad-dinja kollha għall-esperjenza tagħha ta' analiżi ekonomika u rakkomandazzjonijiet lil min ifassal il-politiki. Għalhekk, b'konformità mal-Artikolu 134(1)(b) tar-Regoli ta' Applikazzjoni, għal raġunijiet tekniċi biss, il-kuntratt jista' jingħata lill-OECD.

(22)

F'rapport tekniku konġunt ippubblikat fl-2009, “The bacterial challenge: time to react”, l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) u ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) jistmaw li l-ispiża fuq ir-reżistenza tal-bniedem kontra l-mikrobi hija ta' EUR 1,5 biljun kull sena. Bħala segwitu ta' din l-istima tal-EMA u l-ECDC, u biex jintwera aħjar l-impatt tar-reżistenza kontra l-mikrobi, tinħtieġ analiżi ekonomika xierqa minn sieħeb magħruf bħall-OECD biex tintuża bħala appoġġ għall-proposti politiki.

(23)

Il-komunikazzjoni dwar il-kontrolli fuq l-ikel u l-għalf ma tistax tkun dejjem marbuta ma' suġġett speċifiku. Għalhekk, jixraq li jiġu previsti xi riżorsi għall-attivitajiet ta' komunikazzjoni orizzontali marbutin magħha.

(24)

L-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju (FVO) għandu r-rwol importanti li jgħin biex tinżamm sistema ta' sigurtà ta' standard għoli fl-UE u fil-pajjiżi terzi li jesportaw lejn l-UE. Il-ħidma tal-FVO tista' titqies bħala element ewlieni tas-sistema tal-UE tas-sigurtà fl-ikel, u huwa importanti li tinxtered l-informazzjoni marbuta mal-kompiti ta' spezzjoni.

(25)

Fl-2012, il-Kummissjoni kkummissjonat studju speċifiku li jeżamina l-iskemi eżistenti ta' tikkettar ta' prodotti ħielsa mill-OĠM fl-UE, u li jidentifika u janalizza l-elementi li għandhom jitqiesu fil-kuntest tal-possibbiltà ta' approċċ armonizzat tal-UE lejn dan l-ittikkettar. Ir-riżultati ta' dan l-istudju se jiġu diskussi mal-Istati Membri u mal-partijiet interessati fl-2013. Skont ir-riżultat tal-istudju u tad-diskussjonijiet segwenti, jista' jkun li jitqies li jinħtieġ ħsieb dwar aktar armonizzazzjoni f'dan il-qasam. Għaldaqstant il-Kummissjoni jkollha twettaq valutazzjoni tal-impatti komprensiva ta' bosta approċċi lejn l-armonizzazzjoni, li tkun tirrikjedi analiżi bir-reqqa tal-impatti ekonomiċi, soċjali, kummerċjali, fuq il-konsumatur u fuq l-ambjent. Għandhom jiġu previsti mezzi finanzjarji xierqa għar-realizzazzjoni tal-ġbir tad-dejta tal-ħidma tal-evalwazzjoni tal-għażliet possibbli b'sostenn ta' din il-valutazzjoni tal-impatti.

(26)

Ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (10) u r-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar aromatizzanti u ċerti ingredjenti tal-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti għall-użu fl-ikel u fuq l-ikel (11) jeħtieġu l-adozzjoni ta' metodoloġija komuni għall-ġbir tal-informazzjoni mill-Istati Membri dwar il-konsum u l-użu fl-UE tal-adittivi tal-ikel u tal-aromatizzanti. Din il-metodoloġija komuni tinħtieġ biex ikun żgurat li l-użu ta' dawn is-sustanzi fl-UE jibqa' dejjem bla periklu għall-konsumaturi. Il-monitoraġġ l-ewwel nett irid ikun iffokat fuq il-livelli tipiċi u massimi tal-użu tal-additivi, u fuq is-sustanzi inkwetanti li jkunu fl-aromatizzanti naturali jew f'ċerti ingredjenti tal-ikel. Hija tkun tippermetti li l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) tagħmel valutazzjonijiet affidabbli tal-esponiment u li l-Kummissjoni tieħu miżuri tal-ġestjoni tar-riskju effikaċi u proporzjonati.

(27)

Il-laboratorji ta' referenza tal-UE għandhom jippreżentaw il-programm ta' ħidma għall-2014 sal-aħħar ta' Settembru ta' din is-sena. Hija l-Kummissjoni li tivvaluta dawn il-programmi. Se ssir valutazzjoni minn qabel minn esperti esterni ta' dawn il-programmi ppreżentati għall-2014.

(28)

Il-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 619/2011 li jistabbilixxi l-metodi ta’ teħid ta’ kampjuni u analiżi għall-kontroll uffiċjali tal-għalf fir-rigward tal-preżenza ta’ materjal ġenetikament modifikat li għalih hija pendenti proċedura ta’ awtorizzazzjoni jew li l-awtorizzazzjoni tiegħu skadiet (12), ikopri biss il-preżenza fl-għalf ta' sustanzi modifikati ġenetikament li mhumiex awtorizzati. Dak ir-Regolament jinkludi klawsola għal analiżi li titlob li l-Kummissjoni tissorvelja l-applikazzjoni u l-impatt tiegħu fuq is-suq intern u fuq il-kumpaniji li jaħdmu fl-għalf, fil-bhejjem, u oħrajn u, jekk ikun hemm bżonn, biex tressaq il-proposti għall-analiżi tal-miżura. Id-dejta li tressqet mill-partijiet interessati fil-bidu, u kull dejta ġdida, għandhom jinġabru, jiġu analizzati u jiffurmaw il-bażi biex il-Kummissjoni tappoġġa valutazzjoni tal-impatti tal-qagħda preżenti kontra twessiegħ tal-kamp ta' applikazzjoni biex ikun jinkludi l-ikel. Għandhom jiġu stipulati mezzi finanzjarji xierqa biex isostnu din l-analiżi.

(29)

Din id-deċiżjoni ta’ finanzjament tista’ tkopri wkoll il-ħlas tal-imgħax dovut għal ħlas tard abbażi tal-Artikoli 92 tar-Regolament Finanzjarju u 111 tar-Regoli Applikabbli.

(30)

Għall-applikazzjoni ta' din id-deċiżjoni, jixraq li jiġi ddefinit it-terminu “bidla sostanzjali”, fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 94(4) tar-Regoli ta' Applikazzjoni.

(31)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali.

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

TITOLU I

Il-programm ta' ħidma li jimplimenta d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE

Artikolu 1

Il-programm ta' ħidma annwali għall-implimentazzjoni tal-Artikoli 16, 19, 20, 21, 23, u 27 tad-Deċiżjoni 2009/470/KE, kif stipulat fl-Anness I, huwa b'dan adottat.

Artikolu 2

Ġie stabbilit li l-kontribuzzjoni massima awtorizzata b'dan it-Titolu għall-implimentazzjoni tal-programm hija ta' EUR 6 764 700 u għandha tiġi ffinanzjata mil-linja baġitarja 17 04 02 01 tal-Baġit Ġenerali tal-Unjoni Ewropea għall-2013.

Artikolu 3

L-implimentazzjoni mill-baġit ta' kompiti marbuta mal-punti I.2.1 u I.2.2 fl-Anness I jistgħu jiġu fdati lill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) u l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikultura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO), li japplikaw standards li joffru garanziji ekwivalenti għall-istandards li huma aċċettati internazzjonalment fil-proċeduri tagħhom ta' kontabilità, ta' awditjar, ta' kontroll intern u ta' akkwist.

TITOLU II

Il-programm ta' ħidma li jimplimenta l-leġiżlazzjoni fitosanitarja

Artikolu 4

Il-programm ta' ħidma annwali għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 kif stabbilit fl-Anness II, huwa b'dan adottat.

Artikolu 5

Ġie stabbilit li l-kontribuzzjoni massima awtorizzata b'dan it-Titolu għall-implimentazzjoni tal-programm hija ta' EUR 100 000 u għandha tiġi ffinanzjata mil-linja baġitarja 17 04 04 01 tal-Baġit Ġenerali tal-Unjoni Ewropea għall-2013.

TITOLU III

Il-programm ta' ħidma li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 882/2004

Artikolu 6

Il-programm ta' ħidma annwali għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 66(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, kif stabbilit fl-Anness III, huwa b'dan adottat.

Artikolu 7

Ġie stabbilit li l-kontribuzzjoni massima awtorizzata b'dan it-Titolu għall-implimentazzjoni tal-programm hija ta' EUR 888 582 u għandha tiġi ffinanzjata mil-linja baġitarja 17 04 07 01 tal-Baġit Ġenerali tal-Unjoni Ewropea għall-2013.

TITOLU IV

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 8

Il-programmi ta' ħidma msemmijin fit-Titoli I, II u III jikkostitwixxu deċiżjonijiet ta' finanzjament fit-tifsira tal-Artikolu 84 tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 9

1.   L-uffiċjal awtorizzanti jista’ jadotta kwalunke bidliet għal kull wieħed mit-Titoli li ma jitqisux sostanzjali fit-tifsira tal-Artikolu 94(4) tar-Regoli ta' Applikazzjoni, skont il-prinċipji ta’ amministrazzjoni finanzjarja soda u tal-proporzjonalità.

2.   Bidliet kumulattivi tal-allokazzjonijiet għall-azzjonijiet koperti minn kull programm ta' ħidma li ma jaqbiżx l-10 % tal-kontribuzzjoni massima prevista mill-Artikoli 2, 5 u 7 ta' din id-Deċiżjoni ma għandhomx jitqiesu bħala sostanzjali fit-tifsira tal-Artikolu 94(4) tar-Regoli ta' Applikazzjoni, sakemm dawn ma jaffettwawx b'mod sinifikanti n-natura u l-għan tal-programmi ta' ħidma.

Artikolu 10

L-aproprjazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 2, 5 u 7 jistgħu jkopru wkoll l-imgħax li għandu jitħallas fuq ħlas b'lura.

Artikolu 11

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-uffiċjali ta' awtorizzazzjoni ddelegati.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Ġunju 2013.

Għall-Kummissjoni

Tonio BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 155, 18.6.2009, p. 30.

(3)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(4)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1. kif ikkoreġut mill-ĠU L 191, 28.5.2004, p. 1.

(5)  ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1.

(6)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(7)  ĠU L 164, 26.6.2009, p. 64.

(8)  ĠU C 83, 30.3.2010, p. 47.

(9)  COM(2012) 6 finali.

(10)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

(11)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 34.

(12)  ĠU L 166, 25.6.2011, p. 9.


ANNESS I

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju, u b’mod partikolari l-Artikoli 16, 19, 20, 21, 23 u 27 tagħha – Programm ta' Ħidma għall-2013

I.1.   DAĦLA

Dan il-programm fih 7 suġġetti ewlenin għas-sena 2013. Abbażi tal-għanijiet mogħtija fid-Deċiżjoni 2009/470/KE tal-25 ta Mejju 2009 id-distribuzzjoni tal-baġit u l-azzjonijiet ewlenin huma dawn li ġejjin:

(a)

għall-għotjiet implimentati b'ġestjoni konġunta (il-punt I.2):

(i)

sa massimu ta' EUR 540 000 lill-OIE (il-punt I.2.1) għall-organizzazzjoni ta':

konferenza dinjija dwar il-bijosigurtà;

seminars reġjonali dwar l-organiżmi slavaġ, in-notifika tal-mard tal-annimali u s-sigurtà tal-prodotti ġejjin mill-annimali u

laqgħat/konferenzi reġjonali dwar it-trattament xieraq tal-annimali, dwar id-direzzjoni tal-kontroll progressiv tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer u dwar il-kumitat konġunt permanenti tan-netwerk Mediterranju dwar is-saħħa tal-annimali, u dwar is-saħħa tal-annimali akwatiċi;

(ii)

sa massimu ta' EUR 4 000 000 lill-FAO (il-punt I.2.2) għal għajnuna lill-kampanja kontra l-marda tal-ilsien u d-dwiefer barra mill-Unjoni;

(b)

għal akkwisti (implimentati f’amministrazzjoni ċentralizzata diretta) (il-punt I.3):

(i)

L-użu ta' sejħa għall-offerti fuq kontribuzzjoni li tippermetti l-aċċess għall-bażi tad-dejta tal-leġiżlazzjoni veterinarja għall-amministraturi fl-Istati Membri: EUR 150 000 (point I.3.1);

(ii)

Kontribuzzjoni lejn il-komunikazzjoni orizzontali marbuta mal-attivitajiet li għandhom x'jaqsmu mas-saħħa tal-annimali: EUR 112 700 (il-punt I.3.2);

(iii)

Avvenimenti ta' appoġġ għall-politika kurrenti dwar it-trattament xieraq tal-annimali u l-manutenzjoni tal-għodod ta' komunikazzjoni eżistenti EUR 782 000 (il-punt I.3.3);

(iv)

Pubblikazzjonijiet u tixrid ta’ tagħrif biex jippromwovu kwistjonijiet tas-saħħa tal-annimali u l-prinċipji tal-Istrateġija dwar is-Saħħa tal-Annimali EUR 1 030 000 (il-punt I.3.4);

(v)

Prevalutazzjoni esterna tal-programmi għall-eradikazzjoni/għas-sorveljanza tal-2013: EUR 150 000 (il-punt I.3.5).

I.2.   L-AZZJONI TAĦT AMMINISTRAZZJONI KONĠUNTA

I.2.1.   L-ORGANIZZAZZJONI DINJIJA GĦAS-SAĦĦA TAL-ANNIMALI (OIE)

Konferenza dinjija dwar il-bijosigurtà, seminars reġjonali għall Punti fil-Mira tal-Ewropa għall-organiżmi slavaġ, tal-OIE għan-notifika tal-mard tal-annimali u għas-sigurtà fl-ikel prodott mill-annimali; laqgħat reġjonali tal-Grupp ta' Tmexxija tal-Pjattaforma tat-Trattament Xieraq tal-Annimali għall-Ewropa; konferenza reġjonali dwar l-implimentazzjoni tad-direzzjoni tal-kontroll progressiv tal-FMD fl-Asja Ċentrali; laqgħat reġjonali tal-Kumitat Konġunt Permanenti tan-Netwerk Mediterranju dwar is-Saħħa tal-Annimali (REMESA); aġġustament tal-istrument tal-klassifikazzjoni u tal-prijoritizzazzjoni fl-istudju tal-OIE u l-elenkar u l-klassifika tal-mard tal-annimali prijoritarju, inkluż dak li jista' jittieħed mill-bniedem, biex dan jista' jintuża wkoll għall-mard tal-annimali akwatiċi.

IL-BAŻI LEGALI

L-Artikolu 23 tad-Deċiżjoni 2009/470/KE

IL-LINJA BAĠITARJA

17 04 02 01

IN-NUMRU INDIKATTIV U T-TIP TA’ KUNTRATTI PREVISTI

Ftehim ta' kontribuzzjoni waħda għall-2013-2014

ENTITÀ TA' IMPLIMENTAZZJONI

L-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) hija organizzazzjoni intergovernattiva responsabbli għat-titjib tas-saħħa tal-annimali madwar id-dinja. L-OIE tippubblika l-istandards tas-saħħa tal-annimali għall-kummerċ internazzjonali fl-annimali ħajjin u l-prodotti tagħhom li huma rikonoxxuti mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ bħala r-regoli sanitarji internazzjonali ta' referenza.

Biex:

tittejjeb is-saħħa tal-annimali mad-dinja kollha u għaldaqstant jitnaqqas ir-riskju ta' mard tal-annimali fl-UE,

jiġu promossi l-politika u l-istandards tal-Unjoni dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali u

b'dan il-mod ikunu ffaċilitati l-esportazzjonijiet tal-UE,

jeħtieġ li l-approċċ tal-UE lejn is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali jkun imqassam mal-pajjiżi kollha li huma membri tal-OIE u li l-UE tappoġġa b'mod attiv il-konferenzi u s-seminars ta' taħriġ organizzati mill-OIE.

Fis-7 ta' Ġunju 2010 l-Kummissjoni u l-OIE ffirmaw Ftehim Qafas li jistipula l-arranġamenti amministrattivi u finanzjarji għall-kooperazzjoni tagħhom (mehmuża hawnhekk), fejn il-“Ftehim ta' Kontribuzzjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Organizzazzjoni Internazzjonali” (il-“Ftehim ta' Kontribuzzjoni Standard” jew “SCA”) japplika għall-programmi globali, reġjonali jew nazzjonali u l-azzjonijiet amministrati mill-OIE u ffinanzjati jew ikkofinanzjati mill-Unjoni Ewropea.

Kienet diġà saret valutazzjoni bir-reqqa u sħiħa tal-OIE permezz ta' “valutazzjoni b’erba' pilastri” li stabbilixxiet li fil-proċeduri ta' kontabilità, ta’ verifika, tal-kontroll u tal-akkwisti tagħha, l-OIE applikat standards li joffru garanziji ekwivalenti għall-istandards aċċettati internazzjonalment.

L-GĦANIJIET LI JRIDU JIĠU SODISFATTI U R-RIŻULTATI PREVISTI

Li l-approċċ tal-UE lejn is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali jkun ikkomunikat mal-membri kollha tal-OIE permezz tal-promozzjoni tal-politika tas-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali tal-Unjoni fl-okkażjoni tal-konferenzi u s-seminars ta' taħriġ organizzati mill-OIE. Li eventwalment jittejbu l-istatus tas-saħħa, tat-trattament xieraq u tas-saħħa pubblika veterinarja madwar id-dinja kollha, jitnaqqas ir-riskju fl-UE u jiġu ffaċilitati l-esportazzjonijiet tal-UE.

Li jintemm l-istudju dwar l-Elenkar u l-Klassifikazzjoni tal-Mard tal-Annimali Prijoritarju, inkluż dak li jittieħed mill-bniedem u li jiġi aġġustat l-istrument għall-klassifikazzjoni u l-prijoritazzjoni tal-mard żviluppat f'dak il-qafas, biex jintuża wkoll għall-mard tal-annimali akwatiċi. Huwa meħtieġ li ssir din it-temma biex jiġi elenkat il-mard skont il-Liġi ġdida tal-UE dwar is-Saħħa tal-Annimali. Dan iwassal għal prijoritazzjoni aħjar tal-azzjonijiet tal-UE u użu aħjar tar-riżorsi.

DESKRIZZJONI U GĦANIJIET TAL-MIŻURA TA’ IMPLIMENTAZZJONI

Ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet differenti li jridu jiġu ffinanzjati taħt dan il-punt jinstabu fit-tabella ta' hawn taħt.

L-IMPLIMENTAZZJONI

Ġestjoni konġunta

IL PERJODU TA’ ŻMIEN INDIKATTIV GĦALL-KONKLUŻJONI TAL-FTEHIM TA' KONTRIBUZZJONI

It-tielet kwart tal-2013.

L-AMMONT MASSIMU U R-RATA MASSIMA TAL-KONTRIBUZZJONI

EUR 540 000.

Taqsira tal-attivitajiet li jridu jiġu organizzati mill-OIE fl-2013-2014:

konferenza dinjija waħda dwar il-bijosigurtà (EUR 100 000),

sitt konferenzi/seminars reġjonali (EUR 360 000) u

studju wieħed dwar il-klassifikazzjoni tal-mard (EUR 80 000).

I.2.2.   KONTRIBUZZJONI FINANZJARJA GĦALL-FOND FIDUĊJARJU TAL-ĠLIEDA KONTRA L-MARDA TAL-ILSIEN U D-DWIEFER TAL-UE (EuFMD) 911100MTF/INT/003/KEE MIŻMUM MILL-ORGANIZZAZZJONI TAL-IKEL U L-AGRIKOLTURA (FAO)

L-għan huwa l-għajnuna tal-kampanja kontra l-marda tal-ilsien u d-dwiefer (FMD) barra mill-Unjoni. Għalhekk l-EuFMD stabbilixxa pjan strateġiku għall-2013-2017 li fih erba' pilastri.

L-ewwel pilastru għandu l-għan li tittejjeb it-tlestija għat-tmexxija ta' kriżijiet marbutin mal-marda tal-ilsien u d-dwiefer permezz ta' taħriġ fil-ħin reali, appoġġ għall-ippjanar ta' kontinġenza, l-iżvilupp ta' għodda għas-sostenn tad-deċiżjonijiet għal min imexxi l-kontroll tal-marda u programm għall-iżvilupp ta' sistema ta' twissija bikrija u ta' tmexxija tal-marda fir-reġjun tal-Balkani.

It-tieni pilastru għandu l-mira li jitnaqqas ir-riskju għall-pajjiżi membri minħabba s-sitwazzjoni tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fil-viċinat Ewropew permezz tal-kontroll progressiv tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fir-reġjuni tal-viċinat, primarjament iż-żoni mal-fruntiera tat-Turkija u tal-Iżrael, iżda wkoll il-pajjiżi fit-Tramuntana tal-Afrika.

It-tielet pilastru għandu l-għan li jippromwovi l-istrateġija dinjija tal-kontroll progressiv tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer permezz ta' appoġġ espert għall-attivitajiet miftehmin tal-FAO u tal-OIE.

Ir-raba' pilastru jinkludi mekkaniżmu għar-rispons għall-emerġenza ta' kriżi tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fil-viċinat tal-Ewropa, li jista jinkludi l-provvista ta' vaċċini ta' emerġenza lil reġjuni li jkunu ta' riskju għal pajjiżi membri.

IL-BAŻI LEGALI

L-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni 2009/470/KE

IL-LINJA BAĠITARJA

17 04 02 01

IN-NUMRU INDIKATTIV U T-TIP TAL-KONTRIBUZZJONI

Ftehim ta' kontribuzzjoni waħda għall-2013-2015 li tiġi implimentata kif jidher hawn taħt:

(1)

Il-bilanċ tal-Fond Fiduċjarju 911100MTF/INT/003/KEE kif ikun fil-31 ta' Awwissu 2013.

(2)

Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għall-Fond Fiduċjarju għandha tiġi stabbilita għal massimu ta' EUR 4 000 000 għal perjodu ta' 24 xahar mill-1 ta' Settembru 2013.

(3)

L-ewwel pagament tal-ammont imsemmi fil-paragrafu 2 għas-sena 2013 għandu jkun magħmul:

(a)

mill-bilanċ imsemmi fil-paragrafu 1,

(b)

minn kontribuzzjoni tal-Unjoni tal-ammont meħtieġ biex l-ammont totali tal-Fond Fiduċjarju jilħaq l-ekwivalenti ta' EUR 2 000 000 f'USD.

(4)

L-infiq mill-Fond Fiduċjarju bejn l-1 ta' Settembru 2013 u l-31 ta' Awwissu 2015 għandu jintradd lura fil-Fond permezz ta' kontribuzzjonijiet annwali tal-Unjoni li jkunu pagabbli fl-2014 u l-2015 rispettivament. Madankollu, il-ħlas ta' dawn il-kontribuzzjonijiet għandhom ikunu soġġetti għall-eżistenza ta' fondi disponibbli fil-baġit tal-Unjoni.

(5)

Il-kontribuzzjonijiet annwali tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 4 għandhom ikunu msejsa fuq ir-rapport finanzjarju ppreżentat mill-Kummissjoni Ewropea għall-Kontroll tal-Marda tal-Ilsien u d-Dwiefer (EuFMD) jew lis-Sessjoni Annwali tal-Kumitat Eżekuttiv jew inkella lis-Sessjoni Ġenerali Biennali tal-EuFMD, appoġġati b'dokumentazzjoni ddettaljata skont ir-regoli tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) u l-Ftehim dwar il-Qafas Finanzjarju u Amministrattiv għall-finanzjament mill-Unjoni ta' attivitajiet tal-FAO.

(6)

Għandu jiġi konkluż ftehim ta' Implimentazzjoni dwar l-użu u t-tħaddim tal-Fond Fiduċjarju bejn il-Kummissjoni u l-FAO għall-perjodu ta' 24 xahar, li jibda mill-1 ta' Settembru 2013.

(7)

Il-Fond Fiduċjarju għandu jitħaddem b'mod konġunt mill-Kummissjoni u mill-EuFMD skont il-Ftehim ta' Implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 6.

L-AMMONT MASSIMU U R-RATA MASSIMA TAL-KONTRIBUZZJONI

EUR 4 000 000.

I.3.   L-AKKWIST

L-ammont baġitarju globali riżervat għall-kuntratti tal-akkwist fl-2013 jammonta għal EUR 2 224 700.

I.3.1.   ID-DISPONIBBILTÀ TAL-LEĠIŻLAZZJONI VETERINARJA F'BAŻI TAD-DEJTA INTERATTIVA GĦALL-AMMINISTRAZZJONIJIET TAL-ISTATI MEMBRI

IL-BAŻI LEGALI

L-Artikolu 20 tad-Deċiżjoni 2009/470/KE

IL-LINJA BAĠITARJA

17 04 02 01

IN-NUMRU INDIKATTIV U T-TIP TA’ KUNTRATTI PREVISTI

Kuntratt ta’ servizz wieħed.

IS-SUĠĠETT TAL-KUNTRATTI PREVISTI (FEJN POSSIBBLI)

Il-leġiżlazzjoni veterinarja fiha ħafna elementi li għalihom ikun utli li din il-leġiżlazzjoni tkun disponibbli b'mod interattiv għall-amministraturi tal-Istati Membri. Il-bażi tad-dejta għandha tinżamm aġġornata billi tiġi aġġornata fi żmien 24 siegħa mill-publikazzjoni ta' leġiżlazzjoni ġdida u għandu jkun fiha l-verżjonijiet ikkonsolidati tal-leġiżlazzjoni kkonċernata. Għandu jkun fiha wkoll sommarji ġenerali faċli għall-użu ta' dejta relatata, li jkunu importanti għax-xogħol ta' kuljum tal-awtoritajiet veterinarji tal-Istati Membri.

Il-kontribuzzjoni prevista se tippermetti li l-leġiżlazzjoni veterinarja u d-dejta relatata tkun disponibbli għall-amministraturi fl-Istati membri b'mod interattiv u aċċessibbli faċilment għas-snin 2014 u 2015.

L-IMPLIMENTAZZJONI

Ċentralizzata diretta

IL PERJODU TA’ ŻMIEN INDIKATTIV GĦAT-TNEDIJA TAL-PROĊEDURA TAL-AKKWISTI

It-tielet kwart tal-2013.

AMMONT INDIKATTIV TAS-SEJĦA GĦALL-OFFERTI

EUR 150 000

I.3.2.   KONTRIBUZZJONI ORIZZONTALI LEJN IL-KOMUNIKAZZJONI MARBUTA MAL-ATTIVITAJIET LI GĦANDHOM X'JAQSMU MAS-SAĦĦA TAL-ANNIMALI:

IL-BAŻI LEGALI

L-Artikolu 20 tad-Deċiżjoni 2009/470/KE

IL-LINJA BAĠITARJA

17 04 02 01

IN-NUMRU INDIKATTIV U T-TIP TA’ KUNTRATTI PREVISTI

Madwar 10 kuntratti speċifiċi li jużaw bosta kuntratti qafas.

IS-SUĠĠETT TAL-KUNTRATTI PREVISTI (FEJN POSSIBBLI)

Kontribuzzjoni orizzontali lejn il-komunikazzjoni marbuta mal-attivitajiet li għandhom x'jaqsmu mas-saħħa tal-annimali:

L-IMPLIMENTAZZJONI

Ċentralizzata diretta

IL PERJODU TA’ ŻMIEN INDIKATTIV GĦAT-TNEDIJA TAL-PROĊEDURA TAL-AKKWISTI

Tul l-2013.

AMMONT INDIKATTIV TAS-SEJĦA GĦALL-OFFERTI

EUR 112 700

I.3.3.   AVVENIMENTI TA' APPOĠĠ GĦALL-POLITIKA KURRENTI DWAR IT-TRATTAMENT XIERAQ TAL-ANNIMALI U L-MANUTENZJONI TAL-GĦODOD TA' KOMUNIKAZZJONI EŻISTENTI

IL-BAŻI LEGALI

L-Artikoli 20 u 23 tad-Deċiżjoni 2009/470/KE

IL-LINJA BAĠITARJA

17 04 02 01

IN-NUMRU INDIKATTIV U T-TIP TA’ KUNTRATTI PREVISTI

Madwar sitt kuntratti speċifiċi li jużaw bosta kuntratti qafas.

IS-SUĠĠETT TAL-KUNTRATTI PREVISTI (FEJN POSSIBBLI)

(a)

Il-produzzjoni ta' pubblikazzjonijiet miktubin dwar it-trattament xieraq tal-annimali (EUR 30 000)

(b)

Attivitajiet li jappoġġaw l-edukazzjoni tat-tfal dwar it-trattament xieraq tal-annimali (EUR 162 000)

(c)

L-organizzazzjoni ta' żewġ workshops reġjonali għat-tobba veterinarji (EUR 120 000)

(d)

Studju għall-preparazzjoni ta' rapport dwar l-impatt ta' attivitajiet marbuta mat-trattament xieraq tal-annimali fuq il-kompetittività tal-bdiewa Ewropej li jrabbu l-bhejjem f'dinja globalizzata (EUR 100 000)

(e)

Studju dwar it-trattament xieraq tal-klieb u l-qtates (li jinkludi workshop dwar il-kummerċ tagħhom) (EUR 200 000)

(f)

L-organizzazzjoni ta' taħriġ dwar il-ġbir tad-dejta dwar il-brojlers (EUR 170 000).

L-IMPLIMENTAZZJONI

Ċentralizzata diretta

IL PERJODU TA’ ŻMIEN INDIKATTIV GĦAT-TNEDIJA TAL-PROĊEDURA TAL-AKKWISTI

Mit-tieni kwart lejn it-tielet kwart tal-2013.

AMMONT INDIKATTIV TAS-SEJĦA GĦALL-OFFERTI

EUR 782 000

I.3.4.   PUBBLIKAZZJONIJIET U TIXRID TA’ TAGĦRIF BIEX JIPPROMWOVU KWISTJONIJIET TAS-SAĦĦA TAL-ANNIMALI U L-PRINĊIPJI TAL-ISTRATEĠIJA TAS-SAĦĦA TAL-ANNIMALI

IL-BAŻI LEGALI

L-Artikolu 20 tad-Deċiżjoni 2009/470/KE

IL-LINJA BAĠITARJA

17 04 02 01

IN-NUMRU INDIKATTIV U T-TIP TA’ KUNTRATTI PREVISTI

Il-konklużjoni ta' mill-inqas 10 kuntratti ta' servizz speċifiċi permezz ta' kuntratt qafas.

IS-SUĠĠETT TAL-KUNTRATTI PREVISTI (FEJN POSSIBBLI)

(a)

konferenza veterinarja fi Brussell fl-2013 dwar il-Liġi l-Ġdida dwar is-Saħħa tal-Annimali biex tippromwovi qafas leġiżlattiv modern, flessibbli u ssimplifikat (EUR 100 000)

(b)

seminar għall-istudenti veterinarji fid-dawl tar-rinfurzar tal-messaġġ mir-razzett għall-furketta (EUR 75 000)

(c)

il-parteċipazzjoni f'avvenimenti internazzjonali biex jiġi promoss l-approċċ integrat għas-sikurezza fl-ikel “mir-razzett għall-furketta” permezz ta' żewġ fieri ewlenin (EUR 300 000) u tliet fieri iżgħar (EUR 300 000). Il-mira tal-parteċipazzjoni f'dawn il-fieri hija li jintlaħqu madwar żewġ miljun ċittadini, bl-għan li dawn isiru jafu bil-valur miżjud u l-benefiċċji għall-ħajja ta' kuljum tal-politika tagħna.

(d)

l-appoġġ għal għadd ta' attivitajiet ta' komunikazzjoni marbutin mas-sistema komputerizzata veterinarja integrata, it-Trade Control and Expert System (TRACES) li jinkludu websajt, rapport annwali, fuljett u avveniment għall-midja (EUR 55 000)

(e)

il-produzzjoni ta' pubblikazzjoni u ta' materjal promozzjonali dwar is-saħħa tal-annimali (EUR 200 000). Dawn se jservu biex jirrinfurzaw il-messaġġi tagħna dwar il-benefiċċji tas-saħħa tal-annimali għaċ-ċittadini (billi huma marbutin mas-sikurezza fl-ikel, mas-saħħa tal-bniedem u mal-ekonomija), u biex isostnu l-attivitajiet li jippromwovu dawn il-messaġġi f'livell lokali.

L-IMPLIMENTAZZJONI

Ċentralizzata diretta

IL PERJODU TA’ ŻMIEN INDIKATTIV GĦAT-TNEDIJA TAL-PROĊEDURA TAL-AKKWISTI

Tul l-2013.

AMMONT INDIKATTIV TAS-SEJĦA GĦALL-OFFERTI

EUR 1 030 000

I.3.5.   VALUTAZZJONI ESTERNA MINN QABEL TAL-PROGRAMMI TA' ERADIKAZZJONI/TA' SORVELJANZA TAL-2014

IL-BAŻI LEGALI

L-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni 2009/470/KE

IL-LINJA BAĠITARJA

17 04 02 01

IN-NUMRU INDIKATTIV U T-TIP TA’ KUNTRATTI PREVISTI

Il-konklużjoni ta' mill-inqas 30 kuntratt ma' esperti esterni li se jintgħażlu permezz ta' sejħa għall-espressjoni ta' interess (Appel à Manifestation d'Intérêt – A. M. I.).

IS-SUĠĠETT TAL-KUNTRATTI PREVISTI (FEJN POSSIBBLI)

Skont l-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni 2009/470/KE, il-Kummissjoni se tivvaluta l-programmi li tressqu għall-2014. Jistgħu jitressqu programmi għal 11-il marda. L-għan hu li jkun hemm prevalutazzjoni ta' dawn il-programmi minn żewġ assistenti tekniċi għal kull marda.

L-IMPLIMENTAZZJONI

Ċentralizzata diretta

IL PERJODU TA’ ŻMIEN INDIKATTIV GĦAT-TNEDIJA TAL-PROĊEDURA

Ġunju-Lulju 2013

AMMONT INDIKATTIV TAL-AZZJONI

EUR 150 000


ANNESS II

Il-programm ta’ ħidma għall-2013

Il-leġiżlazzjoni dwar il-pestiċidi

II.1.   DAĦLA

Dan il-programm jinkludi tmien miżuri ta’ implimentazzjoni għas-sena 2013.

II.2.   L-AKKWIST

STUDJU DWAR IL-PESTIĊIDI ILLEGALI U FOLOZ LI JIPPROVDI EVALWAZZJONI ĠENERALI TAL-ATTIVITAJIET TA' KONTROLL MILL-AWTORITAJIET TAL-ISTATI MEMBRI, U INFORMAZZJONI DWAR IL-KUMMERĊ TA' PESTIĊIDI ILLEGALI U FFALSIFIKATI

IL-BAŻI LEGALI

L-Artikolu 76(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009

IL-LINJA BAĠITARJA

17 04 04 01

IN-NUMRU INDIKATTIV U T-TIP TA’ KUNTRATTI PREVISTI

Kuntratt wieħed.

IS-SUĠĠETT TAL-KUNTRATTI PREVISTI (FEJN POSSIBBLI)

li ssir evalwazzjoni tal-miżuri ta' kontroll eżistenti fuq il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u fuq sustanzi attivi u sustanzi oħra li jkun fihom il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li qed jitwettqu mill-awtoritajiet tal-Istati Membri;

li tinġabar l-informazzjoni dwar il-kummerċ ta' pestiċidi foloz u illegali, u

li ssir valutazzjoni dwar l-effikaċja tal-qafas regolatorju u tal-miżuri u jingħataw suġġerimenti biex dan jittejjeb jew biex jitwettqu l-aħjar prattiki.

L-IMPLIMENTAZZJONI

Ċentralizzata diretta

IL-PERJODU TA’ ŻMIEN INDIKATTIV GĦAT-TNEDIJA TAL-PROĊEDURA TAL-AKKWISTI

It-tielet kwart tal-2013.

AMMONT INDIKATTIV TAS-SEJĦA GĦALL-OFFERTI

EUR 100 000


ANNESS III

Il-programm ta’ ħidma għall-2013

Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004

III.1.   DAĦLA

Dan il-programm jinkludi tliet miżuri ta’ implimentazzjoni għas-sena 2013. Abbażi tal-Artikolu 66(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 dwar is-sostenn finanzjarju, mill-Unjoni, tal-miżuri meħtieġa biex tkun żgurata l-applikazzjoni tar-Regolament, it-tqassim tal-baġit u l-azzjonijiet ewlenin huma kif ġej:

Għall-akkwist:

Verifika tal-validità tal-metodu ta' detezzjoni CEN, En 1785:2003 għall-ikel ittrattat b'jonizzant: EUR 60 000 (il-punt III.2.1);

studju ekonomiku dwar ir-reżistenza kontra l-mikrobi, li għandu jiġi żviluppat mill-OECD: EUR 50 000 (il-punt III.2.2);

kontribuzzjoni orizzontali lejn il-komunikazzjoni marbuta mal-kontroll fuq l-ikel u l-għalf, b'mod partikolari għall-aġġornament tal-partijiet rilevanti tal-websajts, u għat-tfassil u l-ħolqien ta' materjal awdjoviżiv u stampat: EUR 203 582 (il-punt III.2.3);

komunikazzjoni dwar l-ispezzjonijiet tal-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju (FVO): EUR 150 000 (il-punt III.2.4);

valutazzjoni tal-impatti dwar il-ħtieġa li jsiru dispożizzjonijiet tal-UE dwar skemi volontarji ta' tikkettar li juri prodotti li ma jkollhomx OĠM: EUR 100 000 (il-punt III.2.5);

żvilupp ta' metodoloġija komuni għall-ġbir mill-Istati Membri ta' informazzjoni dwar il-konsum u l-użu ta' addittivi tal-ikel u tal-aromatizzanti fl-Unjoni Ewropea: EUR 150 000 (il-punt III.2.6);

valutazzjoni esterna minn qabel tal-programmi ppreżentati mil-laboratorji ta' referenza tal-UE: EUR 75 000 (il-punt III.2.7);

studju biex tinġabar id-dejta eżistenti u dejta ġdida biex jiġi vvalutat l-impatt fuq is-suq intern kif ukoll fuq l-għalf, fuq il-bhejjem u fuq l-operaturi meta jiġi implimentat ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 619/2011: EUR 100 000 (il-punt III.2.8).

III.2.   L-AKKWIST

L-ammont baġitarju globali riżervat għall-kuntratti tal-akkwisti fl-2013 jammonta għal EUR 694 000.

III.2.1.   VERIFIKA TAL-VALIDITÀ TAL-METODU TA' DETEZZJONI CEN, EN 1785:2003 GĦALL-IKEL ITTRATTAT B'JONIZZANT:

IL-BAŻI LEGALI

L-Artikolu 66(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004.

IL-LINJA BAĠITARJA

17 04 07 01

IN-NUMRU INDIKATTIV U T-TIP TA’ KUNTRATTI PREVISTI

Arranġament amministrattiv wieħed

IS-SUĠĠETT TAL-KUNTRATTI PREVISTI (FEJN POSSIBBLI)

Testijiet tal-affidabbiltà tal-metodi disponibbli għad-detezzjoni tas-sinjali ta' radjazzjoni, imwettqin miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka.

L-IMPLIMENTAZZJONI

Ċentralizzata diretta

IL-PERJODU TA’ ŻMIEN INDIKATTIV GĦAT-TNEDIJA TAL-PROĊEDURA TAL-AKKWISTI

L-ewwel sitt xhur tal-2013

AMMONT INDIKATTIV TAS-SEJĦA GĦALL-OFFERTI

EUR 60 000

III.2.2.   STUDJU EKONOMIKU DWAR IR-REŻISTENZA KONTRA L-MIKROBI, LI GĦANDU JIĠI ŻVILUPPAT MILL-OECD

IL-BAŻI LEGALI

L-Artikolu 66(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004

IL-LINJA BAĠITARJA

17 04 07 01

IN-NUMRU INDIKATTIV U T-TIP TA’ KUNTRATTI PREVISTI

Kuntratt wieħed

IS-SUĠĠETT TAL-KUNTRATTI PREVISTI (FEJN POSSIBBLI)

L-inizjattiva politika kurrenti tal-Kummissjoni dwar ir-reżistenza kontra l-mikrobi għandha tiġi appoġġjata b'analiżi ekonomika li turi l-impatt tar-reżistenza kontra l-mikrobi.

L-IMPLIMENTAZZJONI

Ċentralizzata diretta

IL-PERJODU TA’ ŻMIEN INDIKATTIV GĦAT-TNEDIJA TAL-PROĊEDURA TAL-AKKWISTI

L-aħħar sitt xhur tal-2013

AMMONT INDIKATTIV TAS-SEJĦA GĦALL-OFFERTI

EUR 50 000

III.2.3.   KONTRIBUZZJONI ORIZZONTALI LEJN IL-KOMUNIKAZZJONI MARBUTA MAL-KONTROLL FUQ L-IKEL U L-GĦALF, B'MOD PARTIKOLARI GĦALL-AĠĠORNAMENT TAL-PARTIJIET RILEVANTI TAL-WEBSAJTS, U GĦAT-TFASSIL U L-ĦOLQIEN TA' MATERJAL AWDJOVIŻIV U STAMPAT

IL-BAŻI LEGALI

L-Artikolu 66(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004

IL-LINJA BAĠITARJA

17 04 07 01

IN-NUMRU INDIKATTIV U T-TIP TA’ KUNTRATTI PREVISTI

Madwar 10 kuntratti ta' servizz li jużaw bosta kuntratti qafas

IS-SUĠĠETT TAL-KUNTRATTI PREVISTI (FEJN POSSIBBLI)

Kontribuzzjoni orizzontali lejn il-komunikazzjoni marbuta mal-kontroll fuq l-ikel u l-għalf, b'mod partikolari għall-aġġornament tal-partijiet rilevanti tal-websajts, u għat-tfassil u l-ħolqien ta' materjal awdjoviżiv u stampat.

L-IMPLIMENTAZZJONI

Ċentralizzata diretta

IL-PERJODU TA’ ŻMIEN INDIKATTIV GĦAT-TNEDIJA TAL-PROĊEDURA TAL-AKKWISTI

Matul l-2013.

AMMONT INDIKATTIV TAS-SEJĦA GĦALL-OFFERTI

EUR 203 582

III.2.4.   KOMUNIKAZZJONI DWAR L-ISPEZZJONIJIET TAL-UFFIĊĊJU ALIMENTARI U VETERINARJU (FVO):

IL-BAŻI LEGALI

L-Artikolu 66(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004.

IL-LINJA BAĠITARJA

17 04 07 01

IN-NUMRU INDIKATTIV U T-TIP TA’ KUNTRATTI PREVISTI

Madwar ħames kuntratti speċifiċi li jużaw bosta kuntratti qafas

SUĠĠETT TAL-KUNTRATTI PREVISTI

Il-produzzjoni ta' materjal ippubblikat u promozzjonali marbut mal-attivitajiet ta' spezzjoni.

L-IMPLIMENTAZZJONI

Ċentralizzata diretta

IL-PERJODU TA’ ŻMIEN INDIKATTIV GĦAT-TNEDIJA TAL-PROĊEDURA TAL-AKKWISTI

Tul l-2013

AMMONT INDIKATTIV TAS-SEJĦA GĦALL-OFFERTI

EUR 150 000

III.2.5.   VALUTAZZJONI TAL-IMPATTI DWAR IL-ĦTIEĠA LI JSIRU DISPOŻIZZJONIJIET TAL-UE DWAR SKEMI VOLONTARJI TA' TIKKETTAR LI JURI PRODOTTI LI MA JKOLLHOMX OĠM

IL-BAŻI LEGALI

L-Artikolu 66(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004

IL-LINJA BAĠITARJA

17 04 07 01

IN-NUMRU INDIKATTIV U T-TIP TA’ KUNTRATTI PREVISTI

Kuntratt wieħed jew għadd ta' kuntratti, skont ir-riżultat tal-istudju kurrenti li bdiet il-Kummissjoni.

IS-SUĠĠETT TAL-KUNTRATTI PREVISTI (FEJN POSSIBBLI)

Il-ġbir ta' dejta u l-valutazzjoni tal-għażliet għall-appoġġ tal-valutazzjoni tal-impatt tal-approċċi tal-UE għall-armonizzazzjoni fil-livell tal-UE ta' regoli dwar skemi ta' tikkettar volontarju fuq prodotti li ma fihomx OĠM.

L-IMPLIMENTAZZJONI

Ċentralizzata diretta

IL-PERJODU TA’ ŻMIEN INDIKATTIV GĦAT-TNEDIJA TAL-PROĊEDURA TAL-AKKWISTI

L-aħħar sitt xhur tal-2013

AMMONT INDIKATTIV TAS-SEJĦA GĦALL-OFFERTI

EUR 100 000

III.2.6.   ŻVILUPP TA' METODOLOĠIJA KOMUNI GĦALL-ĠBIR MILL-ISTATI MEMBRI TA' INFORMAZZJONI DWAR IL-KONSUM U L-UŻU TAL-ADDITTIVI U L-AROMATIZZANTI TAL-IKEL FL-UNJONI EWROPEA

IL-BAŻI LEGALI

L-Artikolu 29 tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 u l-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008.

IL-LINJA BAĠITARJA

17 04 07 01

IN-NUMRU INDIKATTIV U T-TIP TA’ KUNTRATTI PREVISTI

Kuntratt wieħed jew aktar

IS-SUĠĠETT TAL-KUNTRATTI PREVISTI (FEJN POSSIBBLI)

Il-ġbir ta' informazzjoni dwar is-sistemi kurrenti ta' monitoraġġ tal-addittivi u l-aromatizzanti tal-ikel

L-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet speċifiċi tal-Awtorità Ewropea għas-Sikurezza fl-Ikel

Linji gwida ta' rakkomandazzjoni ta' approċċ mal-UE kollha lejn il-monitoraġġ tal-addittivi u l-aromatizzanti tal-ikel

L-IMPLIMENTAZZJONI

Ċentralizzata diretta

IL-PERJODU TA’ ŻMIEN INDIKATTIV GĦAT-TNEDIJA TAL-PROĊEDURA TAL-AKKWISTI

L-aħħar sitt xhur tal-2013

AMMONT INDIKATTIV TAS-SEJĦA GĦALL-OFFERTI

EUR 150 000

III.2.7.   VALUTAZZJONI ESTERNA MINN QABEL TAL-PROGRAMMI GĦALL-2014 IPPREŻENTATI MIL-LABORATORJI TA' REFERENZA TAL-UE

IL-BAŻI LEGALI

L-Artikolu 66(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004

IL-LINJA BAĠITARJA

17 04 07 01

IN-NUMRU INDIKATTIV U T-TIP TA’ KUNTRATTI PREVISTI

Il-konklużjoni ta' mill-inqas 15-il kuntratt ma' esperti esterni li se jintgħażlu permezz ta' sejħa għall-espressjoni ta' interess (Appel à Manifestation d'Intérêt — A.M.I.).

IS-SUĠĠETT TAL-KUNTRATTI PREVISTI (FEJN POSSIBBLI)

Il-laboratorji ta' referenza tal-UE għandhom jippreżentaw il-programm ta' ħidma għall-2014 sal-aħħar ta' Settembru 2013. Hija l-Kummissjoni li se tivvaluta lil dawn il-programmi. Jistgħu jitressqu programmi għal 44 suġġett. L-għan hu t-tiftix ta' prevalutazzjoni minn esperti esterni ta' wħud mill-programmi.

L-IMPLIMENTAZZJONI

Ċentralizzata diretta

IL-PERJODU TA’ ŻMIEN INDIKATTIV GĦAT-TNEDIJA TAL-PROĊEDURA

Ħarifa 2013

AMMONT INDIKATTIV TAL-AZZJONI

EUR 75 000

III.2.8.   STUDJU BIEX TINĠABAR ID-DEJTA EŻISTENTI U DEJTA ĠDIDA BIEX JIĠI VVALUTAT L-IMPATT FUQ IS-SUQ INTERN KIF UKOLL FUQ L-GĦALF, FUQ IL-BHEJJEM U FUQ L-OPERATURI META JIĠI IMPLIMENTAT IR-REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 619/2011.

IL-BAŻI LEGALI

L-Artikolu 66(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004

IL-LINJA BAĠITARJA

17 04 07 01

IN-NUMRU INDIKATTIV U T-TIP TA’ KUNTRATTI PREVISTI

Il-konklużjoni ta' mill-inqas kuntratt wieħed ta' servizz speċifiku.

IS-SUĠĠETT TAL-KUNTRATT PREVIST (FEJN POSSIBBLI)

Il-ġbir u l-analiżi ta' dejta mingħand il-partijiet interessati kollha kkonċernati dwar l-impatt probabbli tat-twessigħ jew in-nuqqas ta' twessigħ tal-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 619/2011 biex jinkludi l-ikel, bi tħejjija għal valutazzjoni tal-impatti.

L-IMPLIMENTAZZJONI

Ċentralizzata diretta

IL-PERJODU TA’ ŻMIEN INDIKATTIV GĦAT-TNEDIJA TAL-PROĊEDURA

Ħarifa 2013

AMMONT INDIKATTIV TAL-AZZJONI

EUR 100 000


15.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 170/38


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-10 ta’ Ġunju 2013

dwar il-finanzjament tal-programm ta’ ħidma 2013 għat-taħriġ dwar is-sikurezza fl-ikel u fl-għalf, is-saħħa tal-annimali, it-trattament xieraq tal-annimali u s-saħħa tal-pjanti fil-qafas tal-Programm ta' “Taħriġ Aħjar għal Aktar Sikurezza fl-Ikel”

2013/C 170/07

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (1) (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ ir-“Regolament Finanzjarju”), u b'mod partikolari l-Artikolu 84,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (2) (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ ir-“Regoli ta' Applikazzjoni”), u b'mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 tad-19 ta' Diċembru 2002 li jfassal l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu fdati b'ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità (3), u b'mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (4), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(1)(i) tagħha,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (5), u b'mod partikolari l-Artikolu 66(1)(b) u (c) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 jistabbilixxi regoli ġenerali għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali biex tiġi vverifikata l-konformità mar-regoli maħsuba sabiex, b'mod partikolari, jipprevjenu, jeliminaw jew inaqqsu r-riskji għall-bnedmin u għall-annimali għal livelli aċċettabbli, u jiggarantixxu prassi ġusta fil-kummerċ tal-għalf u l-ikel, u jħarsu l-interessi tal-konsumatur. L-Artikolu 51 ta’ dan ir-Regolament jistipula li l-Kummissjoni tista’ torganizza korsijiet ta' taħriġ għall-persunal tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri responsabbli għall-kontrolli uffiċjali msemmija f'dak ir-Regolament, liema korsijiet jistgħu jinfetħu għal parteċipanti minn pajjiżi terzi, b’mod partikolari pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Dawn il-korsijiet jistgħu jinkludu b'mod partikolari, taħriġ fil-liġi Komunitarja tal-għalf u tal-ikel u fir-regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali.

(2)

L-Artikolu 2(1)(i) tad-Direttiva 2000/29/KE dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità, jipprovdi l-istrument legali għall-organizzazzjoni ta' korsijiet fil-qasam tas-saħħa tal-pjanti.

(3)

Il-Programm ta' “Taħriġ Aħjar għal Aktar Sikurezza fl-Ikel” ġie mwaqqaf mill-Kummissjoni biex jintlaħqu l-miri stipulati fir-Regolament (KE) Nru 882/2004. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Settembru 2006 dwar Taħriġ aħjar għal ikel aktar sikur (6) tistudja l-possibbiltajiet għall-organizzazzjoni tat-taħriġ fil-ġejjieni.

(4)

Il-programm ta' ħidma 2013 għat-taħriġ fil-qasam tas-sikurezza tal-ikel u tal-għalf, is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali u s-saħħa tal-pjanti għall-implimentazzjoni tal-Programm ta' “Taħriġ Aħjar għal Aktar Sikurezza fl-Ikel” fl-Istati Membri għandu għalhekk jiġi adottat.

(5)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/544/KE (7) tal-20 ta’ Ġunju 2008 bidlet l-“Aġenzija Eżekuttiva għall-Programm tas-Saħħa Pubblika” fl-“Aġenzija Eżekuttiva għas-Saħħa u l-Konsumaturi” (minn hawn 'il quddiem l-“Aġenzija”). Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 4943 tad-9 ta' Settembru 2008, iddelegat ċerti ħidmiet ta' ġestjoni u implimentazzjoni tal-programmi lill-Aġenzija, dawn għandhom x'jaqsmu ma' miżuri ta' taħriġ għas-sikurezza fl-ikel imwettqa skont ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 u d-Direttiva 2000/29/KE. Għaldaqstant għandu jingħata sussidju lill-Aġenzija għas-sena 2013 biex din tiffinanzja l-ispejjeż operattivi tal-attivitajiet marbuta mal-Programm ta' “Taħriġ Aħjar għal Aktar Sikurezza fl-Ikel”.

(6)

B’konformità mal-Artikolu 84 tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 94(1) tar-Regoli ta' Applikazzjoni, l-impenn ta’ nfiq mill-baġit tal-Unjoni Ewropea għandu jkollu qablu deċiżjoni finanzjarja li tistabbilixxi l-elementi essenzjali tal-azzjoni li tinvolvi l-infiq u li hija adottata mill-istituzzjoni jew mill-awtoritajiet li l-poteri tagħhom ġew delegati mill-istituzzjoni.

(7)

Billi l-programm ta’ ħidma 2013 huwa qafas dettaljat biżżejjed, id-deċiżjoni attwali tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ finanzjament fit-tifsira tal-Artikolu 94(2) u (3) tar-Regoli ta' Applikazzjoni,

(8)

Għall-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, huwa xieraq li jiġi mfisser it-terminu “bidla sostanzjali”, fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 94(4) tar-Regoli ta' Applikazzjoni.

(9)

Skont l-Artikolu 92 tar-Regolament Finanzjarju, il-validazzjoni, l-awtorizzazzjoni u l-ħlas tan-nefqa għandhom isiru fil-limiti ta' żmien stabbiliti fir-Regoli ta' Applikazzjoni. Dawk ir-regoli għandhom jispeċifikaw ukoll iċ-ċirkostanzi li fihom il-kredituri li jitħallsu tard ikunu intitolati li jirċievu l-imgħax fil-każ ta’ nuqqas ta’ pagament impost fuq il-linja li minnha tħallset is-somma ewlenija.

(10)

Għalhekk, din id-Deċiżjoni għandha tipprovdi r-regoli dwar il-pagament tal-imgħax minħabba pagamenti tard marbuta ma’ azzjonijiet inklużi fil-programm ta' ħidma 2013,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-programm ta' ħidma għall-implimentazzjoni tal-Programm ta' Taħriġ Aħjar għal Aktar Sikurezza fl-Ikel fl-2013 kif stipulat fl-Anness huwa adottat hawnhekk. Dan jikkostitwixxi deċiżjoni ta’ finanzjament skont it-tifsira tal-Artikolu 84 tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 2

1.   L-ammont totali tal-kontribuzzjoni finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma għandu jkun ta' EUR 16 170 000 u għandu jiġi ffinanzjat mil-linji baġitarji li ġejjin tal-Baġit Ġenerali tal-Unjoni Ewropea għall-2013:

(a)

linja baġitarja Nru 17 04 07 01: EUR 14 200 000

(b)

linja baġitarja Nru 17 04 04 01: EUR 600 000.

(c)

linja baġitarja Nru 17 01 04 05: EUR 200 000.

(d)

linja baġitarja Nru 17 01 04 31: EUR 1 170 000.

2.   L-ammont stipulat fil-paragrafu 1(d) għandu jitħallas lill-Aġenzija Eżekuttiva għas-Saħħa u l-Konsumaturi u għandu jikkostitwixxi sussidju operattiv.

3.   Imgħax meta ma jsirx ħlas minħabba pagamenti b'lura wkoll jista' jitħallas mil-linji baġitarji msemmija fil-punt 1(a) u (b) skont l-Artikolu 92 tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 3

Bidliet kumulattivi tal-allokazzjonijiet għall-azzjonijiet speċifiċi koperti mill-programm ta' ħidma li ma jaqbżux l-20 % tal-kontribuzzjoni finanzjarja massima prevista fl-Artikolu 2(1) ma għandhomx jitqiesu bħala sostanzjali fit-tifsira tal-Artikolu 94(4) tar-Regoli ta' Applikazzjoni, sakemm dawn ma jaffettwawx b'mod sinifikanti n-natura u l-għan tal-programm ta' ħidma.

L-uffiċjal awtorizzanti jista' jadotta tali bidliet skont il-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja soda u dawk tal-proporzjonalità.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Ġunju 2013.

Għall-Kummissjoni

Tonio BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1.

(3)  ĠU L 11, 16.1.2003, p. 1 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 01 Volum 04 p. 235-242).

(4)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 03 Volum 29 p. 258-369).

(5)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 03 Volum 45 p. 200-251).

(6)  COM(2006) 519 finali tal-20 ta’ Settembru 2006.

(7)  ĠU L 173, 3.7.2008, p. 27.


ANNESS

Il-programm ta' ħidma 2013 għat-taħriġ fil-qasam tas-sikurezza tal-ikel u tal-għalf, is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali u s-saħħa tal-pjanti fil-qafas tal-Programm ta' Taħriġ Aħjar għal Aktar Sikurezza fl-Ikel

1.1.   Introduzzjoni

Dan il-programm ta’ ħidma fih tliet miżuri ta' implimentazzjoni għall-2013. Id-distribuzzjoni tal-baġit u l-azzjonijiet ewlenin skont l-għanijiet stipulati fir-Regolament (KE) Nru 882/2004 u d-Direttiva 2000/29/KE, huma kif ġej:

1.2.   

Għall-akkwist (implimentat f’ġestjoni ċentralizzata diretta):

1.2.1.

Taħriġ: kuntratti esterni għat-twettiq tal-programm ta’ taħriġ

EUR 14 800 000

1.2.2.

Taħriġ: Tagħmir tal-IT, għodod u appoġġ, materjal promozzjonali, tagħrif u appoġġ fil-komunikazzjoni u konferenzi

EUR 200 000

1.3.

Azzjonijiet oħra: Sussidju operattiv għall-Aġenzija Eżekuttiva dwar is-Saħħa u l-Konsumaturi

EUR 1 170 000

TOTAL

EUR 16 170 000

1.2.   Akkwisti

L-ammont baġitarju globali riżervat għall-kuntratti tal-akkwisti fl-2013 jammonta għal EUR 15 000 000.

1.2.1.   Taħriġ: Kuntratt estern għat-twettiq tal-programm ta’ taħriġ

IL-BAŻI LEGALI

Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004, l-Artikolu 51 u l-Artikolu 66(1)b

Id-Direttiva 2000/29/KE, l-Artikolu 2(1)(i)

IL-LINJA BAĠITARJA

Il-linji baġitarji: 17 04 07 01 u 17 04 04 01

IN-NUMRU INDIKATTIV U T-TIP TA’ KUNTRATTI PREVISTI

Għal kull waħda mill-kwistjonijiet tekniċi msemmija hawn taħt, se jiġi ffirmat kuntratt ta’ servizz speċifiku wieħed jew aktar. Huwa stmat li se jiġu ffirmati madwar 15-il kuntratt ta’ servizz. Il-kuntratturi esterni huma involuti l-aktar fl-aspetti organizzattivi u loġistiċi tal-attivitajiet ta’ taħriġ.

IS-SUĠĠETT TAL-KUNTRATTI PREVISTI (JEKK POSSIBBLI)

Għall-2013, l-azzjoni ta’ taħriġ fl-Istati Membri se tkun dwar is-suġġetti li ġejjin:

L-attivitajiet

L-ammont f'EUR

L-HACCP

1 930 000

Is-Saħħa tal-Annimali (naħal u annimali eżotiċi)

1 240 000

Il-kontroll tal-addittivi tal-ikel

1 085 000

Il-kontroll ta’ Residwi ta’ Prodotti Mediċinali Veterinarji

855 000

Il-valutazzjoni tar-riskju

880 000

L-ippjanar ta' kontinġenza u l-kontroll tal-mard

1 090 000

Il-kontroll tal-Enċefalopatiji Sponġiformi Trażmissibbli

515 000

Is-sorveljanza tar-riskji ġodda u emerġenti għas-saħħa tal-pjanti

600 000

L-appoġġ għal verifiki ġenerali tal-Unjoni

855 000

Il-Prodotti għall-Protezzjoni tal-Pjanti (awtorizzazzjoni u l-użu sostenibbli)

1 165 000

L-iġjene tal-ikel u l-kontrolli fil-produzzjoni primarja

975 000

L-iġjene tal-ikel u l-flessibbiltà

1 165 000

Tekniki ġodda tal-invetsigazzjoni tal-ikel

615 000

RASFF

600 000

Il-kontroll tas-semen u l-produzzjoni tal-embrijuni

640 000

Kwistjonijiet oħra dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, is-saħħa tal-pjanti u s-sikurezza tal-ikel u studji, konferenzi, għajnuna, għodod ta' tagħlim u valutazzjonijiet

590 000

TOTAL

14 800 000

IMPLIMENTAZZJONI

EUR 14 620 000 (finanzjament ta’ miżuri tas-sikurezza fl-ikel skont ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 u d-Direttiva 2000/29/KE) se jiġu ġestiti u implimentati mill-Aġenzija Eżekuttiva għas-Saħħa u l-Konsumaturi (id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/544/KE). Il-EUR 180 000 li jifdal se jintużaw mill-Kummissjoni biex tkopri l-istudji, il-konferenzi u l-valutazzjonijiet.

PERJODU TA’ ŻMIEN INDIKATTIV GĦAT-TNEDIJA TAL-PROĊEDURA TAL-AKKWIST

Bejn wieħed u ieħor minn Mejju sa Settembru biex il-kuntratti jiġu ffirmati fl-2013.

AMMONT INDIKATTIV TAS-SEJĦA GĦALL-OFFERTI

EUR 14 800 000.

1.2.2.   Taħriġ: Tagħmir tal-IT, għodod u appoġġ, materjal promozzjonali, tagħrif u appoġġ fil-komunikazzjoni u konferenzi

IL-BAŻI LEGALI

Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004, l-Artikolu 66(1)(c)

IL-LINJA BAĠITARJA

Il-linja baġitarja: 17 01 04 05

IN-NUMRU INDIKATTIV U T-TIP TA’ KUNTRATTI PREVISTI

Huwa stmat li madwar 2 kuntratti speċifiċi se jiġu ffirmati dwar il-kuntratti tal-qafas eżistenti.

IS-SUĠĠETT TAL-KUNTRATTI PREVISTI (JEKK POSSIBBLI)

L-azzjonijiet li se jkunu ffinanzjati minn dan il-baġit huma maħsuba għall-organizzazzjoni tal-programmi ta’ taħriġ, għall-IT u t-tagħmir tat-tagħlim elettroniku, għall-għodod u l-appoġġ, għall-materjal promozzjonali, għat-tagħrif u l-appoġġ fil-komunikazzjoni kif ukoll għall-konferenzi.

IMPLIMENTAZZJONI

Din l-azzjoni se tkun implimentata direttament mid-DĠ għas-Saħħa u l-Konsumaturi.

PERJODU TA’ ŻMIEN INDIKATTIV GĦAT-TNEDIJA TAL-PROĊEDURA TAL-AKKWIST

Bejn wieħed u ieħor minn Mejju sa Ottubru.

AMMONT INDIKATTIV TAS-SEJĦA GĦALL-OFFERTI

EUR 200 000.

1.3.   Azzjonijiet oħra: Sussidju operattiv għall-Aġenzija Eżekuttiva dwar is-Saħħa u l-Konsumaturi

IL-BAŻI LEGALI

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003, b'mod partikolari l-Artikolu 12(3).

IL-LINJA BAĠITARJA

Il-linja baġitarja: 17 01 04 31

L-AMMONT

EUR 1 170 000

ID-DESKRIZZJONI U L-GĦAN TAL-MIŻURA IMPLIMENTATTIVA

Dan il-baġit jiffinanzja s-sussidju operattiv tal-Aġenzija għas-sena 2013 marbut mal-programmi skont l-“FP Intestatura 2”. Il-linja baġitarja 17 01 04 31 tiffinanzja s-sussidju operattiv tal-Aġenzija għall-2013 għall-parti marbuta mal-programm Taħriġ Aħjar għal Aktar Sikurezza fl-Ikel. Skont l-Artikolu 12(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003, is-sussidju operattiv għandu jittieħed mill-allokazzjoni finanzjarja għall-programmi tal-Unjoni mmexxija mill-Aġenzija. Fil-baġit tal-2013 inħolqu żewġ linji baġitarji separati għas-sussidju li jrid jitħallas lill-Aġenzija, wieħed għall-programmi skont l-intestatura 2 u ieħor għal programmi skont l-intestatura 3b tal-Perspettivi Finanzjarji.


V Avviżi

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea

15.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 170/43


Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni

(Każ COMP/M.6955 – KKR/Bidco/South Staffordshire Plc)

Każ li jista' jiġi kkunsidrat għal proċedura simplifikata

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2013/C 170/08

1.

Fis-7 ta’ Ġunju 2013, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta' konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha l-impriża Selena Bidco Limited (“Bidco”, Jersey), kumpanija kkontrollata minn u KKR & Co. LP (“KKR”, l-Istati Uniti tal-Amerika) takkwista fit-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet il-kontroll sħiħ tal-impriża South Staffordshire Plc and associated companies (“Target”, ir-Renju Unit) permezz tax-xiri ta' ishma.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

għal KKR: il-fornitura ta’ firxa wiesgħa ta' servizzi alternattivi ta' ġestjoni ta' assi lill-investituri tas-suq pubbliku u privat u tipprovdi soluzzjonijiet għas-swieq ta' kapital għall-impriza, il-kumpaniji ta' portafoll u l-klijenti tagħha,

għal South Straffordshire Plc: servizzi ta' fornitura tal-ilma fl-oqsma tal-fornitura tal-ilma f'South Staffordshire u Cambridge; il-fornitura ta' srevizzi relatati mal-ilma anċillari oħrajn; u l-fornitura ta' apparat li jkessaħ l-ilma.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni ssib li l-operazzjoni nnotifikata tista' taqa' fl-ambitu tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata. Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta' ċerti konċentrazzjonijiet taħt ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet (2) ta' min jinnota li dan il-każ jista' jiġi kkunsidrat għat-trattament taħt il-proċedura stipulata fl-Avviż.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati biex iressqu kwalunkwe kummenti li jistgħu jkollhom dwar it-tranżizzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta' din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-feks (+32 22964301), jew b'emejl lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew bil-posta, taħt in-numru ta' referenza COMP/M.6955 – KKR/Bidco/South Staffordshire Plc, fl-indirizz li ġej:

Il-Kummissjoni Ewropea

Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni

Reġistru tal-Amalgamazzjonijiet

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 56, 5.3.2005, p. 32 (“Avviż ta’ proċedura simplifikata”).


15.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 170/44


Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni

(Każ COMP/M.6946 – BayWa/Bohnhorst Agrarhandel)

Każ li jista' jiġi kkunsidrat għal proċedura simplifikata

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2013/C 170/09

1.

Fis-7 ta’ Ġunju 2013, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta' konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha: l-impriża BayWa Agri GmbH, kollha kemm hi proprjetà ta' BayWa AG (il-Ġermanja), takkwista fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet il-kontroll kollu tal-impriża Bohnhorst Agrarhandel GmbH (il-Ġermanja) b'mezzi oħra

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

BayWa AG huwa grupp mondjali ta' kummerċ u ta' servizzi fi tliet oqsma ewlenin tal-agrikultura, l-enerġija u l-kostruzzjoni, attiva fid-dinja kollha. Il-qasam agrikolu huwa min-naħa tiegħu maqsum fis-sezzjonijiet tal-kummerċ agrikolu, tal-frott, u l-apparat agrikolu. L-impriża hija attiva fost affarijiet oħra fejn jidħol l-apparat agrikolu, takkwista u tbiegħ prodotti tal-pjaniti u tikkumerċjalizza apparat u faċilitajiet użati fl-agrikoltura,

Bohnhorst Agrarhandel GmbH hija impriża ta' kummerċ agrikolu attiva internazzjonalment, li tikkumerċjalizza prodotti u apparat agrikoli lil bdiewa u kummerċjanti. Bohnhorst toffri wkoll servizzi fil-qasam tad-distribuzzjoni ta' apparat, kif ukoll il-bejgħ, il-ħażna, l-ipproċessar, il-kummerċjalizzazzjoni tal-ħsad u t-trasport tiegħu.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni ssib li l-operazzjoni nnotifikata tista' taqa' fl-ambitu tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata. Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta' ċerti konċentrazzjonijiet taħt ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet (2) ta' min jinnota li dan il-każ jista' jiġi kkunsidrat għat-trattament taħt il-proċedura stipulata fl-Avviż.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati biex iressqu kwalunkwe kummenti li jistgħu jkollhom dwar it-tranżizzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta' din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-feks (+32 22964301), jew b'emejl lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew bil-posta, taħt in-numru ta' referenza COMP/M.6946 – BayWa/Bohnhorst Agrarhandel, fl-indirizz li ġej:

Il-Kummissjoni Ewropea

Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni

Reġistru tal-Amalgamazzjonijiet

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 56, 5.3.2005, p. 32 (“Avviż ta’ proċedura simplifikata”).


15.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 170/45


Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni

(Każ COMP/M.6885 – SDNV/Germanischer Lloyd)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2013/C 170/10

1.

Fl-10 ta’ Ġunju 2013, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta' konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 u wara referenza skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha l-impriża Stiftelsen Det Norske Veritas (“SDNV”, in-Noerveġja) takkwista skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet il-kontroll tal-intier tal-impriża Germanischer Lloyd SE (il-Ġermanja). permezz ta' xiri ta' ishma.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

għal SDNV: ittestjar, spezzjoni, servizzi ta' ċertifikazzjoni/verifika/klassifika u servizzi ta' konsulenza relatati fis-setturi marittimi, taż-żejt u tal-gass, tal-enerġija u tal-assigurazzjoni għan-negozju,

għal Germanischer Lloyd: ittestjar, spezzjoni, servizzi ta' ċertifikazzjoni/verifika/klassifika u servizzi ta' konsulenza relatati fis-setturi marittimi, taż-żejt u tal-gass u tal-enerġija rinnovabbli.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni ssib li l-operazzjoni nnotifikata tista' taqa' fl-ambitu tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet. Madanakollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati biex jibagħtu kwalunkwe kumment li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta lill-Kummissjoni.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-feks (+32 22964301), jew b'emejl lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew bil-posta, taħt in-numru ta' referenza COMP/M.6885 – SDNV/Germanischer Lloyd, fl-indirizz li ġej:

Il-Kummissjoni Ewropea

Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni

Reġistru tal-Amalgamazzjonijiet

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet”).


ATTI OĦRAJN

Il-Kummissjoni Ewropea

15.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 170/46


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

2013/C 170/11

Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

DOKUMENT WAĦDIENI

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel  (2)

“LILIPUTAS”

Nru tal-KE: LT-PGI-0005-0868-14.03.2011

PGI ( X ) PDO ( )

1.   Isem

“Liliputas”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Il-Litwanja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta' prodott

Klassi 1.3.

Ġobnijiet

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f'(1)

“Liliputas” huwa ġobon magħmul bl-idejn, b'kontenut għoli ta' xaħam (50,0 % fil-materja niexfa), semiiebes bl-għamla ta' ċilindru bit-trufijiet irtundjati. Huwa twil bejn 7,5 u 13,0 cm, b'dijametru ta' 7,0 sa 8,5 cm u piż ta' 0,4 sa 0,7 kg. Dan il-ġobon jinħadem fil-villaġġ ta' Belvederis minn ħalib tal-baqar standardizzat u pasturizzat, billi jiġi kkoagulat il-ħalib u mbagħad il-koaglu jiġi proċessat, bil-massa ġobnija titgeżwer f'imkatar tal-qoton minsuġ u mbagħad jiġi ppressat fil-forom ċilindriċi tradizzjonali. Il-ġobon jiġi mmaturat għal talanqas xahar permezz ta' mikroflora interna u mikroflora esterna, li hija l-moffa mikroskopika Penicillium pallidum Smith, li tikber b'mod naturali fil-kantini tal-ġobon fiż-żona ġeografika msemmija fil-punt 4.

Il-ġobon ħa ismu “Liliputas” minħabba ċkunitu u jieħu l-karatteristiċi organolettiċi tiegħu mill-maturazzjoni f'tundjaturi żgħar fil-preżenza tal-moffa mikroskopika Penicillium pallidum Smith.

Tabella 1

Indikaturi organolettiċi tal-ġobon “Liliputas”

Indikatur

Deskrizzjoni

Dehra

Il-qoxra hija lixxa, bla saff massiċċ taħtha, u hija miksija b'paraffin/polimeru jew xi kisja kompożita oħra. Taf ikollha fuqha l-istampar ta' għafset il-maktur u tal-forma li fiha jinħadem il-ġobon.

Togħma u aroma

Aċidu lattiku, togħma friska u aroma li hija distinta għal dan il-ġobon fermentat. Jaf ikun kemxejn pikkanti u mielaħ.

Kif jinħass

Omoġenju, pjuttost sod, elastiku, iċedi mal-magħad.

Dehra tal-qatgħa

Il-qatgħa ġieli tiżvela toqob żgħar, ovali, angolari jew kemxejn iċċattjati li jkunu mifruxin sproporzjonament u ġieli le.

Lewn

Ivarja minn lewn il-krema sa isfar, uniformi mal-ġobna kollha.


Tabella 2

Il-karatteristiċi fiċiżi u kimiċi tal-ġobon “Liliputas”

Indikatur

Ammont (%)

Kontenut ta' xaħam fil-materja niexfa

50,0 ± 1,6

Kontenut mininum ta' materja niexfa

56,0

Kontenut ta' melħ komuni

2,0-3,0


Tabella 3

Il-valur nutrittiv medju ta' 100g ta' ġobon “Liliputas”

Xaħam (g)

Proteini (g)

Karboidrati (g)

Valur enerġetiku

Kcal

KJ

30,0

23,5

364

1 510

3.3.   Materja prima (fil-każ ta' prodotti pproċessati biss)

ħalib tal-baqar,

aċidu lattiku u kulturi li jnisslu l-batterja aromatika,

enzimi li jikkoagulaw il-ħalib,

melħ komuni.

3.4.   Għalf (fil-każ ta' prodotti li ġejjin mill-annimali biss)

Ma hemm l-ebda rekwiżiti ta' kwalità jew restrizzjonijiet speċifiċi rigward il-post tal-oriġini.

3.5.   Passi speċifiċi fil-produzzjoni li għandhom jittieħdu fiż-żona ġeografika indikata

Tħejjija u koagolazzjoni enżimatika tal-ħalib: Il-ħalib għall-produzzjoni tal-ġobon huwa ppasturizzat u standardizzat b'mod li l-kontenut xaħmi fil-materja niexfa tal-ġobon immaturat jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fil-punt 3.2. Il-ħalib jiġi kkoagulat billi jinżiedu miegħu l-enżima, il-kultura tat-tnissil u l-klorur tal-kalċju.

L-ipproċessar tal-koaglu u l-frak tal-baqta: Il-koaglu jiġi pproċessat mekkanikament sakemm il-frak jilħqu d-daqs meħtieġ u mbagħad jiġu mħawda. Matul il-formazzjoni tal-frak tal-baqta, terz tax-xorrox jitħalla joħroġ, u mbagħad il-bċejjeċ tal-baqta jissaħħnu. Wara t-tisħin, il-frak tal-baqta jitħawdu sakemm jikbru sa 4-5 mm, ma jibqgħux iwaħħlu, jinxfu u jissolidifikaw. Il-kontenut ta' ndewwa tal-ġobon ma għandux jisboq l-44 %.

L-iffurmar u l-ippressar tal-ġobon: Il-ġobon jingħata għamlietu mis-saff tal-baqta. Il-proċess jieħu bejn 20 u 25 minuta, u wara, is-saff tal-baqta jitqatta' f'biċċiet, li jitqiegħdu f'forom ċilindriċi bl-idejn biex jikkompressaw irwieħhom taħt toqolhom stess. Waqt l-awtopressar, il-ġobniet jinqalbu fil-forom darbtejn jew tlieta. L-awtopressar jieħu bejn 20 u 25 minuta.

Wara l-awtopressar, il-ġobniet jinħarġu mill-forom, jitgeżwru f'imkatar niedja li jippermettu li tifforma l-qoxra u jitpoġġew lura fil-forom qabel ma dawn jingħalqu bl-għotien. Il-forom bil-ġobniet fihom jitqiegħdu fil-pressi u jiġu ppressati għal bejn siegħa u nofs u sagħtejn. Wara l-ippressar, il-ġobnijiet jinħarġu mill-forom, l-imkatar jitneħħew u kwalunkwe krosti li jafu jkunu ffurmaw bejn il-forom tal-ġobon u l-għotien waqt l-ippressar jitneħħew.

It-tmelliħ tal-ġobon: Il-ġobniet jintiżnu u jitqiegħdu fis-salmura. Wara 48 siegħa, il-ġobniet jitneħħew mis-salmura, jitqiegħdu fuq l-ixkafef, jitnixxfu għal 24 siegħa u mbagħad jitpoġġew fuq l-ixkafef tal-maturazzjoni fil-kantina, li tinżamm f'temperatura ta' 10–14 °C u umdità ta' 93-94 %, u fejn tikber b'mod naturali l-moffa mikroskopika Penicillium pallidum Smith.

Il-maturazzjoni tal-ġobon: Il-ġobniet fuq l-ixkafef jinqalbu kull ħamest ijiem, kif spjegaw l-ewwel produtturi ta' dan il-ġobon, ħalli jiġi skansat milli jitmejlu fuq ġenbhom u biex iżommu għamliethom. Wara għadd ta' ġranet, wiċċ il-ġobon jinkesa bil-moffa mikroskopika, li tinħasel wara 15-il jum. Il-ġobon jitnixxef u jitpoġġa lura fuq l-ixkafef ħalli jkompli jimmatura. Wara 30 jum, meta l-ġobon ikun laħaq il-maturità tiegħu, il-kisja ta' moffa mikroskopika li tkun reġgħet iffurmat fuq wiċċ il-ġobon donnha qed tkebbu f'fosdqa, tinħasel, u l-ġobon jitnixxef u jinkesa b'kisja xama'.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, il-ħakk, l-ippakkjar, eċċ.

Il-ġobniet jiġu ppakkjati f'kaxxi tal-kartun. Biex ma jintilfux il-karatteristiċi uniċi tal-ġobon, biex ma jitħalliex jinxef jekk is-saff ta' paraffin protettiv jinkiser, u minħabba ċkunitu (piż minn 0,4 sa 0,7 kg), jinbiegħ biss mhux imqatta'.

3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

It-tikketta trid turi b'mod ċar isem il-prodott, jiġifieri “Liliputas”, isem il-manifattur, il-kelmiet ‘indikazzjoni ġeografika protetta’ u/jew is-simbolu tal-UE.

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Il-ġobon “Liliputas” jinħadem fil-villaġġ ta' Belvederis, li huwa raħal ċkejken Litwan fil-Muniċipalità Distrettwali Jurbarkas li tinsab fil-Park Reġjonali Panemunė, fuq ix-xatt tal-lemin tax-xmara Nemunas, 1 km fil-punent ta' Seredžius

5.   Rabta maż-żona ġeografika

5.1.   Speċifità taż-żona ġeografika

Belvederis huwa n-nieqa storika tal-ispeċjalisti tal-prodotti mill-ħalib fil-Litwanja. Fl-1921, twaqqfet skola agrikola fid-dar amministrattiva tal-post, fejn is-suġġetti mgħallma kienu jinkludu s-sengħa tal-prodotti mill-ħalib. Wara xi snin, issawret mill-ġdid bħala kulleġġ tal-prodotti mill-ħalib, u fl-1944, saret kulleġġ tekniku tal-prodotti mill-ħalib. Għal bosta snin, fiha trawmu t-tradizzjonijiet tat-tagħlim dwar il-prodotti mill-ħalib fil-Litwanja. Matul l-34 sena tal-eżistenza tiegħu, il-kulleġġ/kulleġġ tekniku ħarreġ mat-800 speċjalista tal-prodotti mill-ħalib, li bosta minnhom kisbu l-esperjenza tagħhom fl-aktar fabbrika antika tal-prodotti mill-ħalib fil-Litwanja, li nbniet fl-1928 u fejn jinħadem il-“Liliputas”. Il-ħalib użat fil-produzzjoni tal-ġobniet kien jissaħħan ġo bettija f'forn imsaħħan bl-injam. Is-separatur kien manwali, u l-forom għall-ġobon kienu tal-injam. Il-ġobniet kienu jinħaslu bi broxki tal-idejn, fil-kantina fix-xitwa u għall-arja ta' barra fis-sajf. Il-fabbrika tal-ġobon kienet biswit dar tas-silġ, li kienet tintuża biex fiha jinħażnu blokok tas-silġ miġjuba mix-xmara Nemunas. Is-silġ kien jintuża biex jiffriska il-kantini tal-ġobon. Fil-bidu, il-fabbrika tal-ġobon ta' Belvederis kienet tipproduċi ġobniet akbar (2,5-3,0 kg), tondi semiiebsin, iżda, mill-1958, meta l-fabbrika tkabbret, bdiet tipproduċi ġobniet żgħar ta' 0,4-0,7 kg, u f'kemm ilna ngħidu tlaqqmu “Liliputas”. L-imgħallem ġobonarju Jonas Jarušaitis kien l-ewwel li rnexxielu jipproduċi b'suċċess dan il-ġobon. Fl-ewwel sena li fiha beda jinħadem, qajla ġew immaturati 8 tunnellati ta' dan il-ġobon, iżda, 40 sena wara, il-produzzjoni żdiedet għal 130 tunnellata. Il-forom għall-ġobon l-antiki tal-injam inżammu bħala rikordju fil-fabbrika tal-ġobon ta' Belvederis, flimkien ma' xi kaxxi tal-kartun għall-ippakkjar u kartolina min-nofs is-seklu 20, li turi l-ġobniet qegħdin jinħaslu f'bettija u tistieden lil dak li jkun biex jattendi festa rjali u jduq il-ġobniet magħmulin bl-idejn ta' Belvederis u ikel tipiku ieħor.

Illum il-ġurnata, “Liliputas” għadu jinħadem permezz tat-teknoloġija unika u awtentika tal-1958. Il-ħiliet u l-għarfien tal-produzzjoni li ngħaddew minn ġenerazzjoni għal oħra ta' impjegati tal-fabbrika tal-ġobon għamluha possibbli li jitħarsu d-daqs distintiv, il-karatteristiċi organolettiċi u l-kwalità tal-prodott.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott

Karatteristika speċifika tal-ġobon “Liliputas” hija li dan huwa ċkejken, b'piż ta' 0,4-0,7 kg biss, u huwa miksi b'kisja xama' li tipproteġih mill-ħsara. Il-ġobon “Liliputas” jikseb it-togħma u l-aroma friska tiegħu tal-aċidu lattiku mill-maturazzjoni f'għamla ta' blalen żgħar f'kantina friska u umda, miksija bl-ispori tal-moffa mikroskopika Penicillium pallidum Smith. Ma jidhru l-ebda traċċi tal-moffa mikroskopika fuq il-ħitan, l-ixkafef jew is-saqaf tas-sala tal-maturazzjoni, iżda, xi jiem wara li l-ġobniet “Liliputas” jitmellħu u jitqiegħdu fuq l-ixkafef, dawn jieħdu l-apparenza ta' fosdqiet tad-dud tal-ħarir. Biex il-moffa mikroskopika ma titħalliex tippenetra l-ġobon matul il-maturazzjoni, tingħata protezzjoni mill-qoxra li tifforma matul l-ippressar. Biex tifforma l-qoxra, il-ġobniet jinħarġu mill-forom ċilindriċi wara l-awtopressar u jitgeżwru f'imkatar tal-qoton minsuġ qabel ma jitqiegħdu lura fil-forom ċilindriċi u ppressati fil-pressi.

Il-ġobniet huma mmanifatturati bil-metodu tradizzjonali, kważi mill-bidu sal-aħħar bl-idejn, jiġifieri s-saff tal-baqta jinqata' u jitpoġġa fil-forom u l-ġobniet jitgeżwru fl-imkatar, jinqalbu, jinħaslu, jintmesħu u jingħataw ix-xama' bl-idejn, li huwa proċess li matulu kull ġobna individwali tiġi trattata bl-idejn aktar minn 50 darba.

5.3.   Rabta każwali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DOP) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karattarestiċi oħra tal-prodott (għal IĠP)

L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' indikazzjoni ġeografika protetta hija msejsa fuq it-tradizzjoni, il-metodu speċifiku ta' produzzjoni u r-reputazzjoni.

F'moħħ in-nies, Belvederis, li huwa n-nieqa tax-xjenza tal-prodotti mill-ħalib fil-Litwanja, huwa marbut direttament mal-ġobon “Liliputas” li ma hemmx ieħor bħalu, u li ilu jiġi prodott bl-istess mod sa mill-1958. Il-fabbrika tal-ġobon tal-Belvederis bħalissa hija l-uniku produttur ta' dan il-ġobon uniku magħmul bl-idejn.

Il-ġobon “Liliputas” jikseb it-togħma u l-aroma speċifiċi tiegħu billi jiġi mmaturat f'għamla ta' blalen żgħar permezz ta' mikroflora interna u l-moffa mikroskopika Penicillium pallidum Smith, li tikber fil-kantini taż-żona ġeografika msemmija fil-punt 4 fejn dawn jinżammu f'temperatura kostanti ta' 10-14 °C u umdità ta' 93-94 %.

Il-ġobon “Liliputas” intwera f'bosta esebizzjonijiet, kemm fil-Litwanja u kemm barra l-pajjiż, u ntlaqa' tajjeb ferm f'esebizzjonijiet f'Leipzig, Poznań, Zagreb, Londra, Pariġi, Kopenħagen, Vjenna u bnadi oħra. “Liliputas” rebaħ midalja tad-deheb fl-esebizzjoni “Agra-76” f'dik li dak iż-żmien kienet tissejjaħ ir-Repubblika Demokratika Ġermaniża. Ingħata diploma tal-ewwel klassi fil-kompetizzjoni/stħarriġ tal-kwalità tal-1984 f'Uglich, l-Unjoni Sovjetika, u rebaħ midalja tad-deheb fil-kompetizzjoni “Il-Prodott Litwan għas-Sena 2002”, li ttellgħet mill-Konfederazzjoni Litwana tal-Industrijalisti. Fl-esebizzjoni internazzjonali tal-ikel u x-xorb “World Food Moscow 2005”, rebaħ midalja tal-bronż, u, fl-esebizzjoni internazzjonali għall-industriji agrikoli u tal-ipproċessar “Zolotaya osen 2008”, dejjem f'Moska, il-“Liliputas” kien preżenti fl-istand nazzjonali Litwan imtella mill-Ministeru tal-Agrikoltura Litwan. Fl-“AgroBalt 2010”, esebizzjoni internazzjonali speċjalizzata għall-kumpaniji involuti fl-industriji tal-agrikoltura, l-ikel u l-ippakkjar, il-“liliputas” rebaħ premju għall-kwalitajiet naturali u ekoloġiċi tiegħu. Kemm il-“Liliputas” u kemm il-produtturi dedikati tiegħu spiss feġġew kitbiet dwarhom fl-istampa Litwana (1999-2003).

Minkejja li l-“Liliputas” iqum id-doppju tal-ġobon maħdum f'fabbrika mekkanizzata, xorta għandu klijentela fidila li tapprezza l-prodotti maħduma bl-idejn li jkunu ta' kwalità u naturali. Il-volumi tal-produzzjoni baqgħu stabbli tul is-snin.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

(Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 (3))

http://www.zum.lt/l.php?tmpl_into[0]=index&tmpl_name[0]=m_site_index2&tmpl_into[1]=middle&tmpl_id[1]=2704


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Mibdul bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(3)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna Nru 2.


15.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 170/51


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

2013/C 170/12

Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel  (2)

“COZZA DI SCARDOVARI”

Nru tal-KE: IT-PDO-0005-0981-12.03.2012

IĠP ( ) DPO ( X )

1.   Isem

“Cozza di Scardovari”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

L-Italja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.7.

Ħut frisk, molluski u krustaċji u l-prodotti dderivati minnhom

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt 1

Il-“Cozza di Scardovari”, li tifforma parti mill-ispeċi “Mytilus galloprovincialis”, hija mollusk bivalvi b'forma tawwalija u għandha l-qoxra ta' lewn iswed li jagħti fil-vjola. Il-qxur huma konvessi, simetriċi u b'forma kważi trijangolari, b'marki rqaq konċentriċi. Mill-qoxra joħorġu bħal ħjut kannella pjuttost b'saħħithom, li jissejħu “byssus”, u li jintużaw biex il-maskli jintrabtu mas-substrat tagħhom jew ma' xi appoġġ ieħor.

Il-“Cozza di Scardovari” għandha l-karatteristiċi fiżiċi u organolettiċi li ġejjin:

laħma tleqq li timla sew il-qoxra (perċentwal ta' laħam mill-piż totali tal-mollusk - indikatur ta' kwalità > 25 %);

ħlewwa partikolari tal-laħma (kontenut ta' sodju < 210 mg/100 gr);

laħma partikolarment tarija, li tinħall u li għandha togħma qawwija.

Meta tiġi kkumerċjalizzata l-'Cozza di Scardovari', irid ikollha qoxra skura u li ma tinkisirx meta tiġi mċaqalqa; il-maskli jridu jiġu kkumerċjalizzati ħajjin f'pakketti magħmulin minn xibka, ippakkjati bil-vakwu jew f'atmosfera protettiva jew iffriżati bil-qoxra jew mingħajrha.

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)

Il-“Cozza di Scardovari” tiekol prinċipalment ammonti kbar ta' partiċelli organiċi u inorganiċi u livelli kbar ta' fitoplankton u żooplankton, li huma speċifiċi għas-Sacca di Scardovari.

Fil-fatt, it-tkabbir tan-nutrijenti organiċi u inorganiċi huwa megħjun bil-flussi abbundanti ta' ilma ħelu li jiġu mill-fergħat tax-xmara Po, filwaqt li l-ilma baxx, it-temperatura u l-livell ta' ossiġenu tas-Sacca di Scardovari jingħaqdu flimkien biex jippromwovu l-iżvilupp ta' popolazzjoni numeruża ta' fitoplankton u ta' żooplankton. Il-maskli ma jingħatawx ikel jew supplimenti addizzjonali.

3.5.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika identifikata

Il-fażijiet ta' inseminazzjoni, tkabbir u l-ġbir tal-“Cozza di Scardovari”, iridu jsiru biss f'partijiet maqtugħin għalihom għat-trobbija tal-maskli li jinsabu fis-Sacca di Scardovari; il-fażijiet ta' tifsija, ħasil u għażla tal-prodott, li jeħtieġu ilma nadif mis-Sacca di Scardovari, iridu jsiru f'impjanti li jinsabu fit-territorji tal-frazzjonijiet ta' Scardovari, Ca' Mello u Santa Giulia fil-komun ta' Porto Tolle.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.

Il-prodott irid jiġi ppakkjat fiż-żona speċifikata fil-punt 4, fil-katina ta' produzzjoni, immedjatament wara li l-maskli jinħarġu mit-tankijiet ta' tifsija, biex tiġi garantita l-vitalità u l-freskezza tal-prodott, biex tiġi żgurata l-konformità mal-kriterji iġeniċi u sanitarji kif ukoll biex jitwettqu l-kontrolli xierqa għall-prevenzjoni kontra l-frodi li jsiru minħabba t-taħlit tal-prodott ma' maskli oħra li ġejjin minn żoni oħra ta' produzzjoni.

3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Il-pakkett irid ikun issiġillat b'tali mod li meta dan jinfetaħ irid jinkiser is-siġill tal-garanzija. Fuq it-tikketta jrid ikun hemm il-kliem li ġej: “Cozza di Scardovari” u “Denominazzjoni Protetta ta' Oriġini”, li eventwalment tista' tinbidel bl-akronimu DPO. Irid ikun hemm ukoll il-logo tad-denominazzjoni “Cozza di Scardovari D.O.P”, flimkien mas-simbolu tal-Unjoni Ewropea għad-DPO.

Image

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ta' produzzjoni tinkludi s-Sacca di Scardovari u t-territorji tal-frazzjonijiet ta' Scardovari, Ca' Mello u Santa Giulia fil-komun ta' Porto Tolle fil-provinċja ta' Rovigo.

It-terminu “Sacca” jidentifika d-daħla fil-kosta li ffurmat minħabba l-għeluq parzjali ta' massa ta' ilma baħar, li tingħaqad mal-baħar miftuħ permezz ta' “fetħa fil-laguna”.

Is-Sacca di Scardovari tinsab fiż-żona tan-Nofsinhar tad-delta tal-Po, bejn il-fergħat tal-Po ta' Tolle li jinsabu fin-naħa tal-Grigal u l-fergħat tal-Po ta' Gnocca li jinsabu fin-naħa tal-Lbiċ, u hija magħluqa min-Nofsinhar permezz tal-koordinati ġeografiċi Gauss-Boaga, skont iż-żona tal-Punent, li tindividwa ż-żewġ punti ta' għeluq tas-Sacca fil-Baħar Adrijatiku:

4971445,99 N – 1773953,45 E

4967536,31 N – 1770965,25 E

5.   Rabta maż-żona ġeografika

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika

Is-Sacca di Scardovari hija ambjent li l-karatteristiċi tiegħu huma r-riżultat tat-taħlita tal-kurrenti ta' ilma ħelu tax-xmara Po, mimiljin b'nutrijenti u b'partiċelli f'wiċċ l-ilma, mal-ilmijiet melħin tal-baħar, li huma suġġetti għal ċikli tal-frugħ tal-ilma.

Din is-Sacca hija kkaratterizzata minn ilma b'livell baxx ta' salinità minħabba l-fatt li meta l-ilma baħar, li għandu livell ta' salinità ta' madwar 35 %, jingħaqad mal-ilma ħelu tax-xmara, il-livell ta' konċentrazzjoni ta' melħ taż-żona jvarja bejn l-10 % u t-30 %, b'medja ta' madwar 20 %. Barra minn hekk, l-ilmijiet tax-xmara jiggarantixxu ammont sostanzjali ta' nutrijenti u għadd kbir ta' partiċelli organiċi f'wiċċ l-ilma.

Il-qiegħ tas-Sacca li huwa fond sa 3 m, jippermetti li d-dawl jinxtered b'mod tajjeb tul il-kolonna tal-ilma, joħloq il-kundizzjonijiet ideali ta' temperatura li hija kemxejn aktar għolja minn dik tal-baħar, u jipproduċi livell għoli ta' fitoplankton. Minbarra dan, it-tibdil tal-ilma minħabba ċ-ċikli ta' livelli differenti tal-ilma, jippermetti li jinħolqu l-aqwa kundizzjonijiet idrodinamiċi u livell tajjeb ta' ossiġenu fl-ilma, biex b'hekk ikun hemm l-ambjent ideali għat-tkabbir tal-molluski.

L-ewwel kooperattiva tas-sajjieda lokali tas-Sacca di Scardovari twaqqfet fl-1936. Il-bidla tat-territorju fl-aħħar seklu kienet mgħaġġla ħafna, kemm minħabba fatturi kkawżati mill-bniedem, kif ukoll minħabba fatturi antorpoġeniċi u naturali. Il-forma attwali tas-Sacca di Scardovari ffurmat wara l-għargħar tal-1966. Minn dakinhar 'l hawn, beda b'mod sperimentali, it-tkabbir tal-maskli f'partijiet maqtugħin għalihom fis-Sacca stess, bħala alternattiva għas-sajd fil-baħar. Dan jixhdu wkoll ir-rapport tal-Kunsill ta' Amministrazzjoni tal-kooperattiva tas-sajjieda dwar l-impjant ta' tifsija tal-maskli ta' Scardovari tas-snin tmenin. Il-kwalità tal-prodott hija wkoll ir-riżultat tal-għarfien tal-operaturi li, mis-snin sittin bdew jesperimentaw bit-tkabbir tal-maskli f'partijiet żgħar maqtugħin għalihom fis-Sacca stess, bħala alternattiva għas-sajd fil-baħar. L-attività ta' tkabbir, li ssir fil-qafas ta' familja jew ta' assoċjazzjoni, tinvolvi teknika tradizzjonali għat-tħejjija tat-tankijiet u għall-preparazzjoni tal-prodott li fil-biċċa l-kbira ssir b'mod manwali. Din il-proċedura tinkludi s-separazzjoni u l-ispazjar tal-maskli, it-tneħħija ta' parassiti u l-għażla tal-maskli skont id-daqs tagħhom fid-diversi katini sabiex jiġi ottimizzat it-tkabbir tagħhom.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott

Il-“Cozza di Scardovari” hija kkaratterizzata minn laħma b'livell baxx ta' sodju (inqas minn 210 mg/100 gr ta' prodott), li huwa inqas ħafna mil-livell tal-bivalvi mrobbija fil-baħar miftuħ u li jiddetermina t-togħma pjaċevoli u delikata u l-ħlewwa partikolari tal-laħma.

Barra minn hekk, il-maskli għandhom indiċi ta' kundizzjoni għoli, ta' aktar minn 25 %, li jiddetermina l-laħma abbundanti li timla sew il-qoxra minħabba l-metaboliżmu għoli u għall-iżvilupp sostanzjali tal-parti li tittiekel. Dan l-iżvilupp tal-mollusk li jsir biss f'perjodu ta' tmienja jew disa' xhur minn meta ssir l-inseminazzjoni, jippermetti biex il-“Cozza di Scardovari” tiġi prodotta b'mod sostanzjali.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP)

Il-karatteristiċi kwalitattivi, fiżiċi u organolettiċi tal-“Cozza di Scardovari” huma r-riżultat tal-kundizzjonijiet speċjali tal-ambjent tas-Sacca li minnha ħadu isimhom. B'mod partikolari, il-livelli baxxi ta' salinità tal-ilmijiet tas-Sacca fejn jiġu prodotti l-maskli ta' Scardovari, jirriżultaw f'livelli baxxi ta' sodju fil-laħma tagħhom – inqas minn 210 mg għal kull 100 gr ta' prodott – karatteristika li tgħin biex it-togħma tal-maskli tkun partikolarment tajba, delikata u tarija.

L-għadd kbir ta' partiċelli organiċi f'wiċċ l-ilma u l-produzzjoni għolja ta' fitoplankton fl-ilmijiet baxxi tas-Sacca, jippermettu li l-molluski jkollhom metaboliżmu għoli, ikun hemm żvilupp sostanzjali tal-parti li tittiekel b'indiċi ta' kundizzjoni ta' aktar minn 25 % u biex titkabbar b'rata iktar mgħaġġla l-“Cozza di Scardovari”.

Il-karatteristiċi ġeografiċi u morfoloġiċi tas-Sacca di Scardovari (livell baxx ta' ilma, tibdil kostanti tal-ilma minħabba ċ-ċikli ta' livelli differenti tal-ilma, kundizzjonijiet ideali ta' temperatura, ossiġenu u idrodinamiżmu), u l-professjonalità tal-operaturi fit-tekniki tradizzjonali ta' produzzjoni u ta' tkabbir, jinfluwenzaw direttament il-benesseri tal-bivalvi billi jippermettu l-iżvilupp akbar u aktar uniformi tal-maskli u l-kontroll tal-kwalità tal-istess maskli.

Ir-reputazzjoni tal-isem u tal-prodott hija dokumentata bir-ritratti tal-Festa tal-“Cozza di Scardovari” li saret fis-snin tmenin. Illum, il-produzzjoni ta' maskli li ġejjin mis-Sacca di Scardovari hija ta' importanza kbira għal dan ir-reġjun, peress li tħaddem ħafna operaturi u intrapriżi tal-familja u l-prodott huwa magħruf fost il-konsumaturi kemm fl-Italja kif ukoll f'pajjiżi oħra Ewropej.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 (3))

L-Amministrazzjoni attwali nediet il-proċedura ta’ oġġezzjoni nazzjonali bil-pubblikazzjoni tal-proposta għar-rikonoxximent tad-DPO “Cozza di Scardovari” fil-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika Taljana Nru 271 tal-21 ta’ Novembru 2011

It-test sħiħ tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott jinsab fuq is-sit:

http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/3335

Jew

billi wieħed imur direttament fis-sit elettroniku tal-Ministeru tal-Politika Agrikola, l-Ikel u l-Forestrija (http://www.politicheagricole.it), jikklikkja fuq il-kliem “Qualità e sicurezza” (il-parti ta’ fuq tal-lemin tal-iskrin), u wara jikklikkja fuq il-kliem “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE”.


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(3)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna Nru 2.


Rettifika

15.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 170/55


Rettifika għas-Sejħa għal turija ta’ interess għal sħubija fil-panils Xjentifiċi tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (Parma, l-Italja) – Ref.: EFSA/E/2013/001

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea C 107 tat-13 ta' April 2013 )

2013/C 170/13

F’paġna 16, “11. Data tal-għeluq sa meta jintbagħtu l-applikazzjonijiet” l-ewwel paragrafu:

minflok:

“… mis-17 ta’ Ġunju 2013 f’nofs il-lejl …”;

aqra:

“… mill-1 ta’ Lulju 2013 f’nofs il-lejl …”.