ISSN 1725-5198

Il-Ġurnal Uffiċjali

ta’ l-Unjoni Ewropea

C 10

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 51
15ta' Jannar 2008


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, Rakkomandazzjonijiet u Opinjonijiet

 

RIŻOLUZZJONIJIET

 

Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
438 sessjoni tal-KTR is-26 u s-27 ta' Ottubru 2007

2008/C 010/01

Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Id-diżastri naturali

1

 

III   Atti preparatorji

 

KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

 

438 sessjoni plenarja tal-KTR is-26 u s-27 ta' Ottubru 2007

2008/C 010/02

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Green Paper dwar titjib fl-effiċjenza ta' l-infurzar tas-sentenzi fl-Unjoni Ewropea: Is-sekwestru ta' kontijiet bankarjiCOM(2006) 618 finali

2

2008/C 010/03

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Is-semplifikazzjoni tal-kuntest leġislattiv fis-settur tal-makkinarju

8

2008/C 010/04

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Qafas Regolatorju Kompetittiv tal-Karozzi għas-Seklu 21 — Pożizzjoni tal-Kummissjoni għar-Rapport Finali tal-Grupp ta' Livell Għoli CARS 21 — Kontribuzzjoni għall-Iżvilupp ta' l-UE u l-Istrateġija ta' l-ImpjiegiCOM(2007) 22 finali

15

2008/C 010/05

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar strutturi ta' protezzjoni kontra l-qlib ta' tratturi bir-roti għall-agrikoltura jew għall-foresterija (Verżjoni kkodifikata)COM(2007) 310 finali — 2007/0107 (COD)

21

2008/C 010/06

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mekkaniżmu tat-tqabbid u tat-treġġigħ lura ta' tratturi bir-roti għall-agrikoltura jew għall-foresterija (Verżjoni kkodifikata)COM(2007) 319 finali — 2007/0117 (COD)

21

2008/C 010/07

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-pjanċi u l-iskrizzjonijiet regolamentari għal vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u l-post fejn jitqiegħdu u l-metodu ta' kif jitwaħħluCOM(2007) 344 finali — 2007/0119 (COD)

22

2008/C 010/08

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Pjan ta' Azzjoni għall-Effiċjenza fl-Użu ta' l-Enerġija: Inwettqu l-PotenzjalCOM(2006) 545 finali

22

2008/C 010/09

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-imposti ta' l-ajruportiCOM(2006) 820 finali — 2007/0013 (COD)

35

2008/C 010/10

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni mill-Kumissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew: Il-produzzjoni sostenibbli ta' l-enerġija mill-karburanti fossili: mira ta' kważi ebda emissjonijiet mill-faħam wara l-2020COM (2006) 843 finali

39

2008/C 010/11

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq tas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank (riformulazzjoni)COM(2007) 264 finali — 2007/0097 (COD)

44

2008/C 010/12

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħarsien ta' l-ambjent permezz tal-liġi kriminaliCOM(2007) 51 finali — 2006/0022 (COD)

47

2008/C 010/13

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-proċeduri Komunitarji għall-iffissar ta' limiti ta' residwu ta' sustanzi farmakoloġikament attivi fl-oġġetti ta' l-ikel li joriġina mill-annimali, li jirrevoka r-Regolament (KEE) Nru 2377/90COM(2007) 194 finali — 2007/0064 (COD)

51

2008/C 010/14

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' qafas Komunitarju għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu tad-data fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku dwar il-Politika Komuni dwar is-SajdCOM(2007) 196 finali 2007/0070 (CNS)

53

2008/C 010/15

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-proposta ta' Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/22/KE li tikkonċerna l-projbizzjoni ta' l-użu fl-istockfarming ta' ċerti sustanzi li jkollhom azzjoni ormonali u tireostatika u ta' beta-agonistsCOM(2007) 292 finali — 2007/0102 (COD)

57

2008/C 010/16

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1924/2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikelCOM(2007) 368 finali — 2007/0128 (COD).

58

2008/C 010/17

Opinjoni Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-integrazzjoni tal-kummerċ globali u l-esternalizzazzjoni: kif jistgħu jiġu ffaċċjati l-isfidi l-ġodda

59

2008/C 010/18

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Id-drittijiet tal-pazjent

67

2008/C 010/19

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-promozzjoni tal-produttività sostenibbli fuq il-post tax-xogħol fl-Ewropa

72

2008/C 010/20

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Indikaturi armonizzati fil-qasam tad-diżabilità bħala strument għall-monitoraġġ tal-politiki Ewropej

80

2008/C 010/21

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali dwar Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Lejn użu iktar effettiv ta' l-inċentivi fiskali favur ir-riċerka u l-iżviluppCOM(2006) 728 finali

83

2008/C 010/22

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-ekonomija ta' l-UE: Reviżjoni ta' l-2006 — Tisħiħ taż-żona ta' l-euro: Il-prijoritajiet politiċi ewleninCOM(2006) 714 finali — SEC(2006) 1490

88

2008/C 010/23

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tat-tendenzi fis-swieq finanzjarji

96

2008/C 010/24

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Politiki ekonomiċi li jikkontribwixxu għall-istrateġija industrijali Ewropea

106

2008/C 010/25

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku Soċjali Ewropew dwar

113

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, Rakkomandazzjonijiet u Opinjonijiet

RIŻOLUZZJONIJIET

Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 438 sessjoni tal-KTR is-26 u s-27 ta' Ottubru 2007

15.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 10/1


Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Id-diżastri naturali”

(2008/C 10/01)

Matul il-laqgħa tal-Bureau tal-25 ta' Settembru 2007, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda li jesprimi d-dispjaċir tiegħu fir-rigward tan-nirien li ħakmu lill-Greċja f'Awissu li għadda, u jafferma s-solidarjetà tiegħu mal-vittmi u mas-soċjetà ċivili.

Matul is-sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-26 u s-27 ta' Settembru 2007 (seduta tas-26 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din ir-riżoluzzjoni b'192 vot favur, l-ebda vot kontra u astensjoni waħda.

Wara d-diversi diżastri naturali li laqtu lil diversi Stati Membri, il-Kumitat iddiskuta l-bżonn li l-mekkaniżmu Ewropew eżistenti għall-protezzjoni ċivili jiġi attrezzat b'riżorsi suffiċjenti sabiex ikun jista' jwettaq il-ħidma ta' koordinazzjoni ta' l-interventi f'każ ta' diżastri naturali li jseħħu kemm fl-Ewropa kif ukoll lil hinn minnha.

Fid-dawl ta' l-avvenimenti reċenti, il-Kumitat jixtieq jerġa' jiddikjara l-pożizzjoni li adotta fl-opinjoni tiegħu CESE 1491/2005 (NAT/283) u jħeġġeġ b'mod partikulari lill-Kummissjoni sabiex tassigura li l-Mekkaniżmu Komunitarju għall-Protezzjoni Ċivili jopera b'mod effettiv, billi tieħu dawn il-passi speċifiċi:

1.

titlob lill-Istati Membri kollha sabiex jikkonformaw ma' l-istandards Komunitarji għall-protezzjoni ċivili permezz ta' strument leġislattiv adegwat;

2.

tgħammar lill-Mekkaniżmu Komunitarju bl-għodda segwenti:

sistema ta' komunikazzjoni bis-satellita,

timijiet iddedikati ta' assistenza għal dan il-Mekkaniżmu,

sistema li permezz tagħha jiġu identifikati sew il-gruppi u l-għodda disponibbli fl-Unjoni,

bażijiet operattivi reġjonali b'koordinazzjoni sħiħa bejniethom,

taħriġ tekniku adattat għat-timijiet;

3.

tadotta leġislazzjoni Ewropea dwar ir-responsabbiltà ċivili u kriminali, sabiex jittieħdu passi legali kontra dawk li qegħdin jikkawżaw dawn id-diżastri u jiġu kkastigati.

Brussell, is-26 ta' Settembru 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


III Atti preparatorji

KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

438 sessjoni plenarja tal-KTR is-26 u s-27 ta' Ottubru 2007

15.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 10/2


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Green Paper dwar titjib fl-effiċjenza ta' l-infurzar tas-sentenzi fl-Unjoni Ewropea: Is-sekwestru ta' kontijiet bankarji”

COM(2006) 618 finali

(2008/C 10/02)

Nhar l-24 ta' Ottubru 2006, il-Kummissjoni Ewropea ddeċiediet, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar: il-Green Paper dwar titjib fl-effiċjenza ta' l-infurzar tas-sentenzi fl-Unjoni Ewropea: is-sekwestru ta' kontijiet bankarji.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-18 ta' Lulju 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Pegado Liz.

Matul l-438 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet is-26 u s-27 ta' Settembru 2007 (seduta tas-26 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'131 voti favur, vot wieħed kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Sintesi

1.1

B'din il-Green Paper u bħala segwitu għal serje ta' inizjattivi immirati li jistabbilixxu żona ġuridika Ewropea, il-Kummissjoni qiegħda tniedi proċess ta' konsultazzjoni dwar il-possibbiltà li toħloq strument leġislattiv Komunitarju sabiex jirrendi l-infurzar ta' talbiet ta' krediti monetarji aktar effiċjenti, billi jiġi żgurat li flus f'kontijiet bankarji tad-debitur fi kwalunkwe Stat Membru jiġu ffriżati malli jibdew il-proċeduri.

1.2

Fuq il-bażi ta' din il-Green Paper, li ma tistax tiġi kkunsidrata mingħajr ma jinqara d-dokument ta' ħidma anness magħha (1) u l-istudju ikkommissjonat li fuqu hija bbażata, jidher li l-Kummissjoni qiegħda tikkunsidra li tipproponi regolamentazzjoni fakultattiva li tiddefinixxi s-sistema legali għal ordni ta' sekwestru Ewropea fil-forma ta' sekwestru preventiv ta' kontijiet bankarji; irrispettivament tan-natura tad-dejn jew l-istatus tal-partijiet involuti. Madankollu, hemm xi inkonsistenzi kunċettwali fid-definizzjoni ta' l-ambitu oġġettiv u suġġettiv tal-miżura, u t-traduzzjoni f'xi lingwi tad-dokument tal-Kummissjoni m'humiex partikolarment affidabbli.

1.3

Ma kien hemm l-ebda studju ta' l-impatt ta' miżura ta' din it-tip, u l-istudji komparattivi tal-liġi li fuqhom hija bbażata jikkunsidraw biss 15 mis-27 Stat Membru. F'dawn iċ-ċirkustanzi l-Kumitat, filwaqt li jaqsam il-preokkupazzjonijiet tal-Kummissjoni, ma jikkunsidrax li l-bżonn ta' din it-tip ta' miżura huwa ċar biżżejjed f'termini ta'sussidjarjetà u ta' proporzjonalità: riżultat ekwivalenti forsi jista' jinkiseb b'mod sodisfaċenti sempliċement billi jiġu mibdula żewġ dispożizzjonijiet tar-Regolament Brussell I.

1.4

Il-Kumitat l-anqas ma jsib ġustifikazzjoni loġika għal fatt li l-ambitu ta' inizjattiva ta' din in-natura jiġi limitat għas-sekwestru kawtelarju ta' flus depożitati f'kontijiet bankarji. Il-Kumitat jissuġġerixxi li l-ambitu għandu jiġi estiż sabiex ikopri l-assi mobbli l-oħra tad-debitur u, sekwestru wara li tinħareġ ordni ta' sekwestru. Il-Kumitat jikkunsidra wkoll li huwa kruċjali li jiġi żgurat li din il-miżura tkun akkumpanjata minn inizjattiva dwar it-trasparenza tal-kontijiet tal-bank, dwar l-obbligu li tipprovdi informazzjoni u dwar il-kunfidenzjalità meħtieġa u r-regoli tal-protezzjoni tad-data.

1.5

Il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li, jekk l-introduzzjoni ta' miżura ta' din it-tip tkun meqjusa bħala assolutament neċessarja, l-istrument adattat ikun regolamentazzjoni fakultattiva sabiex jiġu ffriżati l-kontijiet bankarji ta' debitur fi Stati Membri barra minn dak li fih jgħix il-kreditur jew fejn hu bbażat n-negozju tiegħu.

1.6.

Fuq din il-bażi, u sabiex jikkonforma kompletament mat-talba tal-Kummissjoni għal Opinjoni, il-Kumitat avvanza sett iddettaljat ta' rakkomandazzjonijiet tekniċi u legali sabiex jiddefinixxi dik li huwa jqis l-aktar sistema adattata għall-inizjattiva, speċjalment fejn tidħol il-ġurisdizzjoni tal-qorti, il-kundizzjonijiet li taħthom tista' tingħata ordni, il-limiti fuq l-ammonti li jistgħu jiġu sekwestrati, eżenzjonijiet, garanziji għall-ħarsien tad-debitur u ta' partijiet terzi titulari ta' kontijiet konġunti fejn hemm responsabbiltà indaqs, jew kontijiet fejn ir-responsabbiltà hija proporzjonata, appelli u skadenzi, is-sistema ta' l-ispejjeż legali, l-obbligi u r-responsabbiltajiet tal-banek fejn jinstabu l-kontijiet ikkonċernati, u r-regoli tal-liġi privata nazzjonali u internazzjonali li jistgħu jkunu japplikaw ukoll.

2.   Sintesi tal-Green Paper

2.1

B'din il-Green Paper, il-Kummissjoni qiegħda tniedi l-konsultazzjoni fost il-partijiet interessati dwar kif tista' ttejjeb l-infurzar ta' talbiet ta' krediti monetarji. Hija tipproponi l-ħolqien ta' sistema Ewropea għas-sekwestru ta' kontijiet tal-bank bħala soluzzjoni possibbli.

2.2.

Il-Kummissjoni tibda' billi tidentifika il-problemi attwali fl-infurzar ta' proċeduri ċivili fiż-'żona ġuridika Ewropea' li tirriżulta mill-frammentazzjoni ta' regoli nazzjonali f'dan il-qasam, u tirrikonoxxi li r-Regolament (KE) 44/2001 (Brussell I) (2)ma jiggarantix li rimedju protettiv bħal mhu sekwestru bankarju miksub ex parte jkun rikonoxxut u infurzat fi Stat Membru ieħor għajr f'dak li jkun ħareġ ir-rimedju”.

2.3.

Fil-fehma tal-Kummissjoni, dan in-nuqqas jista' potenzjalment jfixkel il-kompetizzjoni bejn in-negozji, skond l-effettivitàtas-sistemi ġudizjali tal-pajjiżi minn fejn joperaw dawn in-negozji. Għalhekk tista' tkun ta' ostaklu għall-operazzjoni bla xkiel tas-suq intern, li jirrikjedi effiċjenza u ħeffa uniformi fl-irkupru ta' krediti monetarji.

2.4.

Għalhekk il-Kummissjoni qiegħda tressaq il-proposta sabiex toħloq “ordni Ewropea għas-sekwestru ta' kontijiet bankarji li tippermetti lill-kreditur jiżgura somma flus dovuta lilu jew mitluba minnu billi ma jħallix li jsiru ċaqliq jew trasferimenti ta' fondi miżmuma bħala kreditu tad-debitur tiegħu f'wieħed mill-kontijiet bankarji jew aktar fit-territorju ta' l-Unjoni Ewropea” u toffri analisi ddettaljata għal qafas legali possibbli għal dan il-għan, il-parametri tiegħu jiġu stabbiliti fil-forma ta' 23 mistoqsija.

3.   Il-kuntest ta' l-inizjattiva

3.1.

Din l-inizjattiva tidħol bir-raġun fil-qafas aktar wiesa' ta' sett ta' miżuri li l-Kummissjoni adottat bil-għan rakkomandabbli li tinħoloq żona ġudizjarja Ewropea li tipprovdi appoġġ legali għat-tkomplija tas-suq intern (3), b'mod partikolari wara t-trasformazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Brussell f'Regolament tal-Komunità u r-Regolament (4) li joħloq Ordni Ewropew ta' Infurzar (5).

3.2.

Il-Kummissjoni għandha raġun fil-kummenti prattiċi tagħha dwar il-problemi ta' infurzar ta' sentenzi fil-pajjiżi differenti ta' l-Ewropa u dwar id-differenzi fir-regolamenti li jiggvernaw dawn is-sentenzi li jirriżulta f'nuqqas ta' armonizazzjoni fil-livell ta' l-UE tal-proċess ta' infurzar, bil-konsegwenzi li l-Kummissjoni indikat korrettament (6) Irid jingħad li dawn il-konsegwenzi ser ikomplu jsiru agħar bid-dħul reċenti ta' 12-il Stat Membru ġdid. F'din il-Green Paper, madankollu, il-Kummissjoni ma teżaminax l-inizjattiva tagħha fir-rigward tal-pinċipji kruċjali tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità.

3.3.

Dan ma jfissirx li l-istess riżultat, jew riżultat b'effetti simili, ma setax jintlaħaq sempliċement billi jiġu emendati dispożizzjoni jew tnejn fir-Regolament Brussell I (jiġifieri Artikoli 31 u 47), li jestendu l-ambitu tagħha filwaqt li jżommu s-sistema eżistenti. Dan kien ikollu benefiċċji ċari f'termini ta' semplifikazzjoni (7).

3.4.

Il-Kummissjoni għadha ma għamlitx valutazzjoni ta' l-impatt preliminari, li trid tqis mhux biss il-15 Stat Membru li s-sitwazzjoni tagħhom ġiet analizzata fl-istudju li fuqu l-Green Paper hija bbażata (8), iżda ta' l-Istati Membri kollha bħalissa. Trid tiġi akkumpanjata minn valutazzjoni serja tal-miżuri mmirati li jiżguraw trasparenza akbar fir-rigward ta' l-assi tad-debitur u l-aċċess għall-informazzjoni essenzjali dwar il-kontijiet bankarji tagħhom (bir-rispett dovut għall-protezzjoni ta' segretezza bankarja), għaliex huwa biss billi jitqiesu dawn il-fatturi kollha li tista' ssir valutazzjoni korretta ta' l-inizjattivia f'termini ta' (a) il-bżonn ta' l-eżistenza tagħha, (b) l-ambitu tagħha (c) il-ġustifikazzjoni għaliha.

4.   Kummenti Ġenerali

4.1.

Il-Kumitat qasam il-kummenti tiegħu f'żewġ kategoriji:

a)

Kummenti ġenerali dwar kwistjonijiet sostantivi dwar in-natura u l-ambitu tad-dispożizzjoni u

b)

Kummenti speċifiċi dwar kwistjonijiet ta' proċedura.

4.2.   Kwistjoni preliminari: termini u kunċetti

4.2.1.

Peress li l-Green Paper x'aktarx ser tiġi segwita minn strument legali (probabbilment fil-forma ta' regolament Komunitarju), it-termini użati sabiex jidentifikaw il-kunċetti ser jiddefinixxu n-natura ta' l-ordni -ta' proċedura li ser toħroġ minnhom u għalhekk iridu jkunu legalment u teknikament preċiżi u rigorużi ħafna f'kull lingwa tal-Komunità.

4.2.2.

Is-sitwazzjoni attwali hija li ta' l-anqas f'ħames verżjonijiet lingwistiċi (9), it-termini użati mill-Kummissjoni sabiex tidentifika it-tip ta' miżura li qiegħda tikkontempla huma ambigwi u mhux neċessarjament ekwivalenti. Dan jista' jwassal għal konfużjoni teknika jew legali fir-rigward tan-natura legali tad-dispożizzjoni. Il-Kummissjoni għahekk għandha taġixxi malajr sabiex tiżgura l-eżattezza tat-traduzzjonijiet, sabiex tiġi evitata l-inċertezza li tinħoloq sempliċement mill-użu skorrett tat-terminoloġija (10).

4.2.3.

Mill-analisi tal-kundizzjonijiet proposti (il-bżonn li jiġi pprovat fumus boni iuris u periculum in mora) u l-iskop (l-ifrizzar u ż-żamma tad-depożiti fil-kontijiet bankarji sa l-aħħar sentenza u l-infurzar fil-proċedimenti ċivili sabiex jiġu rkuprati assi monetarji — ovvjament dawk ta' natura ċivili jew kummerċjali u mhux dawk li jirriżultaw minn proċeduri kriminali), jidher li jkun ġust li wieħed jikkonkludi li din hija ordni protettiva fil-forma ta' sekwestru kawtelarju.

4.3.   L-ambitu tal-miżura (11)

4.3.1.

Il-Kumitat għandu d-dubji wkoll dwar il-limiti fuq l-ambitu tal-miżura protettiva għall-“kontijiet bankarji.”

4.3.2.

Is-sekwestru ta' assi monetarji, li bil-fors irid ikun universali, għandu japplika għall-assi kollha tad-debitur sa l-ammont li ġie ordnat li jinqabad. Rimedju protettiv bħal dak li ġie propost jista' jolqot assi oħra tad-debitur sabiex potenzjalment jinqabdu, inklużi titoli ta' debitu, ishma, bonds b'obbligazzjoni, intitolamenti oħra u pretenzjonijiet minn partijiet terzi u mhux biss flus depożitati f'ċerti kontijiet bankarji jew kontijiet f'tipi ta' istituzzjonijiet finanzjarji oħra. M'hemm l-ebda raġuni għala wieħed għandu jassumi li tkun xi ħaġa kkumplikata wisq li twessa' l-ambitu tal-miżura sabiex tkopri, ta' l-anqas, propjetà mobbli li m'għandhiex bżonn tiġi reġistrata kif ukoll il-pretenzjonijiet ta' debitur għall-flus (inklużi ishma, bonds b'obbligazzjoni, kirjiet u dħul ieħor, flus li jrid jieħu minn partijiet terzi, eċċ.), jiġifieri propjetà mobbli marbuta direttament ma' kont bankarju.

4.3.3

Barraminhekk, ma jidhirx li hemm xi ġustifikazzjoni għal-limitu ta' l-ambitu ta' l-istrument tal-Komunità għas-sekwestru kawtelarju tal-kontijiet bankarji: tista' tiġi estiża b'mod utli, bil-bidliet neċessarji kollha, sabiex tkopri is-sekwestru ta' dawn l-assi wara li tkun ħarġet ordni ta' l-infurza, peress li l-istess tip ta' diffikultà fir-rigward tas-sekwestru u l-għajbien ta' beni (li iffurmat il-ġustifikazzjoni tal-miżura) jista' jseħħ dak il-ħin ukoll.

4.3.4.

Il-Kummissjoni għalhekk għandha tivvaluta sewwa u tiġġustifika il-valur u l-ispiża ta' miżura li tkopri biss is-sekwestru kawtelarju tal-flus miżmuma fil-kontijiet bankarji tad-debitur.

4.4.   Iż-żmien tat-talba għal ordni ta' sekwestru

4.4.1.

Il-kwistjoni taż-żmien ta' l-applikazzjoni għal ordni protettiva tiġi riżolta awtomatikament bin-natura tagħha stess, kif indikat hawn fuq. B'konformità ma' l-aħjar prattika legali, għandu jkun possibbli li wieħed japplika għal ordni protettiva fi kwalunkwe punt tal-proċess legali li jirrelata miegħu, u b'mod aktar speċifiku qabel il-bidu ta' l-azzjoni prinċipali, bħala proċedura preparatorja u preventiva, għaliex dan huwa meta hija l-aktar ta' użu prattiku.

4.4.2.

Wieħed irid jagħti kas tal-karatteristiċi speċifiċi ovvji tar-reġime, li tiddependi minn jekk ir-rimedju protettiv iseħħx qabel ma titqajjem l-azzjoni prinċipali jew deċiżjoni li tivvalida l-pretensjoni tkun ittieħdet, qabel jew waqt proċedura ta' infurzar, jew jekk ikunx sar appell fil-qrati l-għolja kontra l-ordni li tkun inħarġet fl-ewwel istanza jew, fl-aħħar, meta id-dritt li jista' jiġi infurzat ma jieħux il-forma ta' ordni (ittra, biljett negozjabbli, ċekk jew dokument ta' infurzar ieħor).

4.5.   Ġurisdizzjoni tal-qorti

4.5.1.

Sa ċertu punt, il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qorti li tikkunsidra u toħroġ ordni protettiva hija wkoll riżolta minn dak li hemm fuq. Il-qorti li għandha ġurisdizzjoni ovvjament għandha r-responsabbiltà li tittratta mal-każ prinċipali, minn meta l-azzjoni/l-infurzar ikun diġà seħħ.

4.5.2.

Madankollu l-qorti ta' l-Istat fejn ikun hemm depożitati l-kontijiet tal-bank ukoll għandu jkollha ġurisdizzjoni, jekk l-ordni tiġi rikjesta qabel ma' l-azzjoni/l-infurzar tinbeda. F'dan il-każ, però, irid jiġi żgurat li, malli l-azzjoni prinċipali/l-infurzar jiġu proposti, ir-responsabbiltà għall-ordni protettiva li tkun inħarġet tgħaddi għall-qorti li għandha ġurisdizzjoni fuq il-każ prinċipali. Anke jekk taqa' taħt ġurisdizzjoni nazzjonali oħra, il-qorti ta' l-aħħar għandha taċċetta dan mingħajr ma teħtieġ proċess ta' rikonoxximent (12).

4.6.   Kundizzjonijiet għall-ħruġ ta' ordni

4.6.1.

Hemm bżonn intrinsiku li jiġi żgurat li l-kundizzjonijet li l-Kummissjoni ġustament tiddeffinixxi f'punt 3.2 tal-Green Paper — “fumus boni iuris” u “ericulum in mora” — jiġu sudisfatti. Mandankollu, jekk ordni tal-qorti jew tip ieħor ta' dritt ta' infurzar diġa nħarġu, ikun meħtiġ biss prova ta' “periculum in mora”, fi kliem ieħor, ta' bżonn urġenti għall-ordni ta' sekwestru.

4.6.2.

Kundizzjoni addizzjonali sabiex tinħareġ ordni tista' tkun il-prova li l-kreditur għamel sforzi raġjonevoli sabiex jirkupra d-dejn bi qbil mad-debitur u mingħajr ma fittex l-intervent tal-qrati.

4.6.3.

In-nuqqas tal-ħtieġa ta' smigħ minn qabel tad-debitur huwa essenzjali jekk l-ordni ser tkun effettiva. Madankollu, din tista' timxi id f'id ma' dispożizzjoni ta' garanzija, li tista' tiġi stabbilita mill-imħallef, fl-livell adegwat sabiex ikopri kwalunkwe telf jew ħsara jekk il-miżura titwarrab waqt il-proċeduri prinċipali jew l-appell (jekk dan ma jkollux l-effett ta' sospensjoni)

4.7.   Ammont li jrid jiġi żgurat u eżenzjonijiet

4.7.1.

L-ammont li jrid jiġi żgurat mill-ordni ma jistax jaqbeż is-somma li allegatament hija dovuta u għadha ma tħallsitx, kif ukoll dak ta' l-interessi għan-nuqqas ta' ħlas (kemm jekk kuntrattwali jew legali) li jimmaturaw saż-żmien li ssir l-applikazzjoni ta' l-ordni ta' l-infurzar.

4.7.2.

Fil-kuntest ta' proċeduri kawtelarji, li huma inevitabbilment proviżorji, u minħabba fis-serjetà tal-fatt li somom ta' flus jiġu ffriżati fil-kontijiet bankarji, il-Kumitat ma jikkunsidrax li hija ħaġa leġittima li jiġu inklużi somom oħra, b'mod speċifiku li jkopru pagamenti ta' interessi futuri, l-ispejjeż ta' l-avutkati, spejjeż bankarji, spejjeż legali, eċċ.

4.7.3

Il-Kumitat huwa konxju li l-implimentazzjoni ta' dit-tip ta' sistema jista' joħloq spejjeż addizzjonali għall-banek. Ma jqisx li huwa leġittimu, però, sabiex tinkludi dawn l-ispejjeż fis-somom li għandhom jiġu ffriżati fi kwalunkew kont bankarju f'isem l-allegat id-debitur. L-arranġament għall-ispejjeż bankarji u sabiex dawn jiġu rkuprati mingħand il-kredituri li jużaw din il-proċedura għandha titħalla f'idejn il-leġislazzjoni nazzjonali. Dawn l-ispejjeż għandhom jiżdiedu mal-ħlasijiet ta' l-ispejjeż tal-qorti, li jiġu ddeterminati fl-aħħar tal-proċess.

4.7.4.

L-istrument tal-Komunità għandu jiddeċiedi wkoll il-parametri sabiex jiġu delimitati l-eżenzjonijiet mill-esekuzzjoni sabiex jippermettu lid-debitur (jekk id-debitur huwa individwu privat u mhux negozju) li jipprovdi għall-bżonnijiet bażiċi tiegħu u tal-familja tiegħu, peress li ordni ta' infurzar tista' tpoġġi dan f'riskju.

4.7.5.

Wara li l-ordni protettiva tinħareġ, il-bank għandu jinforma l-qorti b'xi limiti għall-konformità ma' l-ordni tas-sekwestru, skond in-natura tal-kont tad-debitur (kont kurrenti, savings, ipoteka, eċċ), in-natura tad-dħul jew qligħ imħallas fih (pagi, miżati professjonali, salarji, pensjonijiet u anwitajiet, pagamenti tas-sigurtà soċjali, eċċ.) u n-natura tan-nefqa assoċjata mal-kont (ipoteka, ħlas tal-karozza, kera, kreditu lill-konsumatur, ikel għall-familja, eċċ), skond il-liġi tal-pajjiż fejn il-kont tal-bank jinsab miftuħ u safejn il-bank għandu din l-informazzjoni.

4.8.   Kontijiet ta' partijiet terzi

4.8.1.

Bl-istess mod, ma jidher li hemm l-ebda ġustifikazzjoni sabiex l-ambitu għal ordni protettiva jitwessa sabiex ikopri kontijiet bankarji f'isem persuni terzi. Fil-każ li mhuwiex possibbli li jiġi identifikat b'mod preċiż liema propozjoni tal-flus fil-kont huma tad-debitur, għandu jiġi kkunsidrat li kull persuna għandha sehem indaqs.

4.8.2.

M'huwiex aċċettabbli l-anqas li diversi kontijiet jiġu sekwestrati sabiex ikopru l-istess ammont, għalkemm wieħed irid jammetti li m'hemmx soluzzjoni faċli meta jkun hemm kontijiet f'pajjiżi differenti: kull qorti li għandha ġurisdizzjoni tista' tintalab li toħroġ ordni, mingħajr ma tkun taf li l-istess ordni ġiet mitluba band'oħra. Il-problema tibqa' sakemm il-proċeduri kollha jiġu ġestiti b'mod ċentrali mill-qorti li għandha ġurisdizzjoni li tisma' l-każ prinċipali.

4.8.3.

Għalhekk tidher ħaġa opportuna li flimkien ma din l-inizjattiva, ikun hemm obbligi ċari li l-parti li qiegħda tapplika għas-sekwestru u l-banek li huma soġġetti għall-ordni protettiva jipprovdu l-informazzjoni, kif ukoll id-dmir tal-banek u l-qrati fl-Istati Membri differenti li jikkooperaw, filwaqt li jirrispettaw kompletament ir-regoli dwar il-kunfidenzjalità, il-protezzjoni tad-data u is-segretezza bankarja, kif hemm indikat ġustament fl-istudju li fuqu hija bbażata l-Green Paper.

4.8.4.

Jista' jiġi deċiż, per eżempju, li l-flus li jinqabdu jiġu ridotti ex-post u f'perjodu qasir li jkun speċifikat, malli l-informazzjoni mill-banek differenti tinġabar, jekk ikun hemm aktar minn wieħed involut.

4.9.   Garanziji għall-protezzjoni tad-debitur.

4.9.1.

Huwa kruċjali li l-protezzjoni tad-debitur tiġi mħarsa, billi jiġi/tiġi pprovdut/a bil-mezzi sabiex tikkontesta l-ordni ta' infurzar fi żmien raġjonevoli — li l-Kumitat jissuġġerixxi li jkun ta' l-anqas 20 ġurnata tal-kalendarju — sabiex juri:

a)

in-nuqqas ta' eżistenza, totali jew parzjali tad-dejn;

b)

in-nuqqas ta' “periculum in mora”;

c)

li l-ammont maqbud mhuwiex korrett;

d)

li l-ħtiġijiet vitali tad-debitur jew tal-familja tiegħu/tagħha (fil-każ ta' individwu privat) huma mhedda b'din il-miżura.

4.9.2.

Għal dan il-għan, għandha ssir dispożizzjoni għad-debitur sabiex jiġi notifikat mill-qorti li għandha ġurisdizzjoni malli jiġi aċċertat li hemm fondi biżżejjed fil-kont sabiex jiġi ffriżat l-ammont li allegatament huwa dovut. Il-bank ikkonċernat għandu jagħti l-istess informazzjoni lid-debitur malli l-kont jiġi ffriżat, b'konformita mal-kundizzjonijiet imposti mill-qorti.

4.9.3.

L-istrument tal-Komunità għandu wkoll jistipula l-mezzi ta' protezzjoni u r-raġunijiet jew il-bażi għall-appell, b'hekk dawn jiġu armonizzati fil-livell Komunitarju, sabiex jiġi żgurat li s-sitwazzjonijiet jkunu trattati b'mod ugwali minn kull ġurisdizzjoni kompetenti u li l-mezzi ta' protezzjoni jkunu identiċi. Kwistjoni importanti tkun li tiġi ddeterminata n-natura ta' l-appell (kemm jekk hu sospensorju jew le) u l-qorti li għandha ġurisdizzjoni li tisma' l-każ, meta l-qorti li toħroġ l-ordni u l-qorti li tisma' l-azzjoni prinċipali jaqgħu taħt ġurisdizzjonijiet nazzjonali differenti.

4.9.4.

Huwa importanti wkoll li jkun hemm limitu ta' żmien sa meta ssir it-talba prinċipali jew applikazzjoni għal exequatur, li tibda mill-ġurnata li fiha l-kreditur jiġi infurmat bl-ordni ta' infurzar. Il-Kumitat jaħseb li l-iskadenza ta' 60 ġurnata tal-kalendarju tkun raġonevoli, irrispettivament mill-deċiżjoni li toħroġ ordni protettiva.

4.10.   L-istrument Komunitarju u n-natura tiegħu

4.10.1.

Fil-Green Paper tagħha, il-Kummissjoni m'hijiex ċara dwar liema strument legali beħsiebha tuża sabiex timplimenta l-inizjattiva tagħha. Fid-dawl ta' l-għanijiet mixtieqa u bħala mezz li jiġi żgurat li l-proċeduri jkunu identiċi fl-Istati Membri differenti, il-KESE jikkunsidra li l-istrument għandu jieħu l-forma ta' regolament, kif diġà japplika għal strumenti oħra simili fil-kuntest taż-żona ġuridika Ewropea.

4.10.2.

Kwistjoni differenti iżda relatata mill-viċin magħha hija dik ta' l-ambitu. Jekk il-miżura titqies neċessarja, il-Kummissjoni tista' — kif għamlet għal strumenti oħra identiċi — tagħmel il-proċedura applikabbli biss għall-każijiet trans-konfinali u tagħmilha opzjonali (it-28 reġim), billi tippermetti lill-kredituri li jagħżlu bejn strument Komunitarju armonizzat u l-għażla eżistenti li jintużaw id-dispożizzjonijiet li japplikaw fil-liġi privata internazzjonali.

4.11.   Spejjeż

Il-KESE jissuġġerixxi li r-regoli li jiggvernaw l-ispejjeż isegwu dawk li diġa huma stabbiliti f'Artikolu 7 tar-Regolamenti (KE) Nru 805/2004, bi kwalunkwe tibdil li huwa meħtieġ (13).

5.   Kummenti Speċifiċi

5.1.

Fir-rigward ta' kwistjonijit ta' forma biss, il-Kumitat jaqbel li l-proċedura exequatur għandha tiġi abolita minn deċiżjoni li toħroġ ordni protettiva, hi liema hi l-qorti li għandha ġurisdizzjoni.

5.2.

Il-Kumitat jikkunsidra wkoll li r-regoli dwar in-notifika tal-qorti lill-bank u lid-debitur allegat m'għandhiex ikollha formalitajiet żejda, sakemm tiġi żgurata l-awtentiċità ta' l-istrument u l-identità tad-debitur. Ir-regoli li diġa huma stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1348/2000/jidhru adattati hawnhekk (14). L-identifikazzjoni tal-kontijiet li għandhom jiġu ffriżati għandhom ikunu kemm jista' jkun kompleti, sabiex tiġi evitata ordni ta' sekwestru ġenerika.

5.3.

Il-Kumitat jikkunsidra wkoll li l-ordni maħruġa mill-qorti għandha tkun infurzata mill-bank taħt it-termini deċiżi mill-qorti, filwaqt li tiġi mħarsa kull operazzjoni leġittima li tkun diġà qiegħda sseħħ, bħal impenji li ttieħdu minn qabel garantiti bl-ittri, biljetti negozjabbli jew ċekkijiet, u obligazzjonijiet lil kredituri preferenzjali bħall-Istat, l-awtoritajiet tas-sigutà soċjali jew impjegati. Fi kwalunkwe każ, il-bank għandu jkun responsabbli għal bilanċ fil-kont fid-data li jirċievi l-ordni ta' sekwestru u għandu jiżgura li l-kont jiġi ffriżat awtomatikament malli l-ordni tasal, anke permezz ta' mezzi elettroniċi, jekk barra mill-ħinijiet tax-xogħol. Il-bank għandu jinżamm responsabbli għal kwalunkwe negliġenza fl-għejbien ta' somom li jiċċaqalqu minn dak il-ħin.

5.4.

Il-Kumitat jaqbel li l-banek għandhom jiġu miżmuma li jinformaw lill-qorti minnufih, b'mezzi elettroniċi jew b'mezzi oħra ta' komunikazzjoni, dwar kif ikkonformaw ma' l-ordni.

5.5.

Il-liġi tal-Komunità m'għandiex tiffissa regoli dwar kif il-kredituri li qegħdin jikkompetu għall-istess kont għandhom jitniżżlu f'ordni prioritarju. Il-Kumitat jiffavorixxi l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni nazzjonali.

5.6.

Il-Kumitat iqis li l-infurzar prattiku ta' l-ordni għandu jkun iggvernat mill-liġi tal-pajjiż li għandha ġurisdizzjoni fuq dan, b'konformità mar-regoli ġenerali applikabbli dwar is-soluzzjoni tat-tilwim.

5.7

Fl-aħħar, il-Kumitat jixtieq jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni b'mod partikolari għall-ħtieġa li ssir dispożizzjoni għal mekkaniżmu għat-traduzzjoni tad-dokumenti marbuta mat-tħaddim tas-sistema proposta, fuq il-linji tal-mekkaniżmu stabbilit taħt l-Artikolu 21(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tat-12 ta' Diċembru 2006.

Brussell, is-26 ta' Settembru 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  SEC(2006) 1341.

(2)  Regolament tal-Kunsill 44/2001/KE tat-22 ta' Diċembru 2000 dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (Brussell I), fil-ĠU L 12, 17/1/2001. Opinjoni tal-KESE dwar din il-kwistjoni mfassla mis-Sur Malosse (CES 233/2000 ta' l-1 ta' Marżu 2000, fil-ĠU C 117, 26/4/2000).

(3)  Fost l-oħrajn, dawn jinkludu:

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata “Pjan ta' Azzjoni dwar l-aċċess tal-konsumatur għall-ġustizzja u rimedju fit-tilwim dwar il-konsum fis-suq intern”, 14 ta' Frar 1996 (COM (96) 13 finali).

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titlu “Lejn effiċjenza akbar fil-kisba u l-infurzar tas-sentenzi fl-Unjoni Ewropea” [COM(97) 609 finali fil-ĠU Ċ 33 ta' 31.1.1998]

Green Paper dwar l-aċċess tal-konsumaturi għall-ġustizzja u rimedju fit-tilwim dwar il-konsum fis-suq intern, [COM (93) 576 finali].

Green Paper dwar riżoluzzjoni alternattiv tat-tilwim fil-liġi ċivili u tal-kummerċ [COM(2002) 196 finali ta' 19.4.2002].

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Mejju 1995 dwar iż-żmien tal-ħlas fit-transazzjonijiet kummerċjali u l-Komunikazzjoni l-oħra relevanti fil-ĠU L 127 tas-6 ta' April 2004 dwar l-infurzar fil-qasam tas-sigurtà fit-toroq, ĠU L 127 ta' 10.6.1995 u ĠU Ċ 144 ta' 10.6.1995.

Direttiva 98/27/KE tad-19 ta' Mejju 1998, dwar inġunzjonijiet għall-ħarsien ta' l-interessi tal-konsumaturi fil-ĠU L 166 ta' 11.6.1998.

Direttiva 2000/35/KE tad-29 ta' Ġunju 2000, il-ġlieda kontra ħlasijiet tard fi transazzjonijiet kummerċjali, fil-ĠU L 200 ta' 8.8.2000.

Regolament tal-Kunsill 44/2001/KE tat-22 ta' Diċembru 2000 dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (Brussell I), fil-ĠU L 12, 16.1.2001. Ir-rapporteur għall-Opinjoni tal-KESE dwar din il-kwistjoni kien is-Sur Malosse (CES 233/2000 ta' l-1 ta' Marżu 2000, fil-ĠU Ċ 117, 26.4.2000).

Ir-Regolament (KE) Nru. 2004/805 tal-21 ta' April 2004 li joħloq Ordni Ewropew ta' Infurzar għal talbiet mhux kontestati, ĠU L 143, 30.4.2004 Ir-rapporteur għall-Opinjoni tal-KESE dwar dan is-suġġett kien is-Sur Ravoet (CES 1348/2002 tal-11 ta' Diċembru 2002, fil-ĠU Ċ 85, 8.4.2003).

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 1206/2001/KE tat-28 ta' Mejju 2001 dwar il-kooperazzjoni bejn il-qrati ta' l-Istati Membri fit-teħid ta' l-evidenza fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali fil-ĠU L 174, 27.6.2001. Ir-rapporteur għall-Opinjoni tal-KESE dwar dan is-suġġett kien is-Sur Hernández Bataller (CESE 228/2001 tat-28 ta' Frar 2001, fil-ĠU Ċ 139, 11.5.2001).

Programm ta' miżuri ta' implimentazzjoni għall-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU Ċ 12 ta' 15.1.2001).

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad-29 ta' Mejju 2000 dwar proċedimenti ta' falliment, ĠU L 160, 17.7.2000; Ir-rapporteur għall-Opinjoni tal-KESE dwar dan is-suġġet kien is-Sur Ravoet (CESE 79/2001 tas-26 ta' Jannar 2001, fil-ĠU Ċ 75, 15.3.2000).

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru1347/2000 tad-29 ta' Mejju 2000 dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' potestà tal-ġenituri fuq it-tfal taż-żewġ konjuġi idem.. Ir-rapporteur għall-Opinjoni tal-KESE dwar din il-kwistjoni kien is-Sur Braghin (CES 940/1999 ta' l-20 ta' Ottubru 1999, fil-ĠU Ċ 368, 20.12.1999).

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 1348/2000 tad-29 ta' Mejju 2000 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta' dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali; idem. Ir-rapporteur għall-Opinjoni tal-KESE dwar dan is-suġġet kien is-Sur Hernández Bataller (CESE 947/1999 tat-21 ta' Ottubru 1999, fil-ĠU Ċ 368, 20.12.1999).

Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Mejju 2001 li tistabbilixxi Network Ġudizzjarju Ewropew fil-materji ċivili u kummerċjali(ĠU L 174 ta' 27.6.2001). Ir-rapporteur għall-Opinjoni tal-KESE dwar dan is-suġġet kien is-Sur Retureau (CESE 227/2001 tat-28 ta' Frar 2001, fil-ĠU Ċ 139, 11.5.2001).

Ir-Regolament (KE) Nru. 1896/2006 tat-12 ta' Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea. Ir-rapporteur għall-Opinjoni tal-KESE dwar dan l-abbozz ta' regolament (COM(2004) 173 finali ta' 19.3.2004) kien is-Sur Pegado Liz (CESE 133/2004 ta' l-22.2.2005, fil-ĠU Ċ 221, 8.9.2005).

Proposta għal Regolament (KE) li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar (COM(2005) 87 finali tal-15.3.2005). Ir-rapporteur għall-Opinjoni tal-KESE dwar dan is-suġġet kien is-Sur Hernández Bataller (CESE 243/2006 tat-28 ta' Frar 2001, fil-ĠU Ċ 139, 11.5.2001).

(4)  Regolament (KE) Nru 44/2001/44/ ta' 22.12.2000. Ir-rapporteur għall-Opinjoni tal-KESE kien is-Sur Malosse (ĠU Ċ 117, 6.4.2000).

(5)  Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-21.4.2004, ibbażat fuq prosposta 2000 COM(2002) 159 finali, 27.8.2002. L-Opinjoni tal-KESE CESE 1348/2002 tal-11 ta' Diċembru 2002, rapporteur is-Sur Ravoet (ĠU Ċ 85, 8.4.2003).

(6)  B'mod speċifiku fil-Komunikazzjoni bit-titlu “Lejn effiċjenza akbar fil-kisba u l-infurzar tas-sentenzi fl-Unjoni Ewropea” (ĠU Ċ 33 ta' 31.1.1998).

(7)  Dawn iż-żewġ artikoli huma wesgħin ħafna, u b'hekk l-interpretazzjoni li trid tiġi adottata trid tittieħed mill-każistika, b'mod speċifiku l-każ Denilauer (Sentenza C-125/79 tal-21.05.1980, pġ.1553) dwar l-Artikolu 31. Kwistjonijiet li jirrigwardaw limiti ta' żmien, mekkaniżmi ta' exequatur, il-kondizzjonijiet sabiex il-każ jitressaq (il-ħtieġa li tiġi pprovata “fumus bonus iuris” u “periculum in mora”), il-mezzi/l-garanziji għad-difiża u l-ammonti li jistgħu jiġu sekwestrati/eżentati jistgħu jkunu suġġetti għaż-żewġ artikoli li hemm referenza għalihom hawn fuq, u jwessgħu l-ambitu tal-miżuri u b'hekk jilħqu l-għanijiet tal-proposta tal-Kummissjoni.

(8)  Prof. Dr. Burkhard Hess, Direttur ta' l-Istitut tal-Liġi Internazzjonali Komparattiva u Privata fl-Università ta' Heidelberg, li tista' tinstab f':

http://ec.europa.eu/justice_home/doc_centre/civil/studies/doc_civil_studies_en.htm.

(9)  Dawk li r-rapporteur huwa familjari magħhom. Sfortunatament m'huwiex profiċjenti fit-22 l-oħra.

(10)  It-terminu Ingliż attachment, anke fis-sens legali/tekniku tiegħu, huwa ambigwu, peress li jista' jirreferi għal dak li fil-Portugiż huwa msejjaħ jew penhora kif ukoll arresto. Anke fl-Ingliż, minħabba fin-natura legali tal-miżura, kien ikun aħjar li kieku ntuża t-terminu arrestment jew freezing order, sabiex tinħoloq distinzjoni bejn dan il-kunċett u dak ta' garnishment. Barraminhekk, hija biss it-traduzzjoni Taljana sequestro conservativo — li tesprimi b'mod korrett n-natura ta' prevenzjoni u restrizzjoni tal-miżura; It-terminu Franċiż saisie, bl-ispjega addizzjonali li tista' tiġi delivrée par un tribunal siégeant en réferé, tilħaq l-iskop; it-terminu Spanjol embargo tinħass li mhix adegwata sabiex tesprimi l-iskop tal-miżura. Fi kwalunkew każ, fil-Portugiż, l-użu tal-kelma penhora huwa kompletament żbaljat u għandha tinbidel ma' arresto .

(11)  Fil-fehma tal-Kumitat, dan għandu jkun limitat għad-dejn ċivili u kummerċjali.

(12)  Ara deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar Van Uden Maritime B.V tas-17.11.1998 — Każ Ċ-391/95 (Rapporti tal-Qorti Ewropea 1998, paġna I-07091).

(13)  Artikolu 7 jiddikjara li “Fejn sentenza tinkludi deċiżjoni li tista' tiġi nfurzata fuq l-ammont tan-nefqiet li jirrelataw mal-proċeduri tal-qorti, inklużi r-rati ta imgħax, din għandha tiġi ċċertifikata bħala Ordni Ewropew ta' Infurzar ukoll fir-rigward tan-nefqiet kemm-il darba d-debitur ma jkunx speċifikament oġġezzjona għall-obbligu tiegħu li jġorr dawk in-nefqiet fil-kors tal-proċeduri tal-qorti, skond il-liġi ta' l-Istat Membru ta' l-oriġini.”

(14)  Regolament (KE) Nru 1348/2000 tad-29.5.2000 fil-ĠU L 160, 30.6.2000.


15.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 10/8


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Is-semplifikazzjoni tal-kuntest leġislattiv fis-settur tal-makkinarju”

(2008/C 10/03)

Fit-8 ta' Jannar 2007 il-Viċi-Presidenti tal-Kummissjoni Ewropea Margot Wallström u Günter Verheugen talbu lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew sabiex iħejji Opinjoni esplorativa dwar: Is-Semplifikazzjoni tal-kuntest leġislattiv fis-settur tal-makkinarju.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-18 ta' Lulju 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Iozia.

Matul l-438 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-26 u s-27 ta' Settembru 2007 (seduta tas-26 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'138 voti favur, 2 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

L-industrija mekkanika Ewropea hija fl-avangwardja u għandha importanza strateġika għall-ekonomija Ewropea. Fl-2006, id-dħul iġġenerat ammonta għal diversi mijjiet ta' biljuni ta' euro minn aktar minn 130 000 ditta li jesportaw terz tal-produzzjoni tagħhom. L-industrija mekkanika u dik elettromekkanika jimpjegaw 'il fuq minn 4 miljun ħaddiem u ħaddiema fl-Unjoni, b'valur miżjud għoli u livell għoli ta' konoxxenza.

1.2

L-industrija mekkanika u elettromekkanika, iktar minn industriji oħra tista' tippermetti li jintlaħqu l-miri ta' l-Aġenda ta' Lisbona, permezz ta' l-iżvilupp tat-taħriġ tul il-ħajja kollha, ta' l-iskambju ta' l-esperjenzi u ta' prattiċi tajbin, iż-żamma ta' l-ogħla livell tal-kapaċità kompetittiva tiegħu, u l-kapaċità tagħha li tidħol fl-iswieq mondjali.

1.3

Il-Kumitat jappoġġja l-inizjattivi tal-Kummissjoni li huma intiżi li jsaħħu l-kompetittività tas-settur, li jtejbu l-qafas ġuridiku ta' riferiment, permezz ta' regolamentazzjoni li hija aħjar u aktar effettiva, li tqis ir-realtajiet tas-settur, li huwa kkaratterizzat minn għexieren ta' għeluf ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju. Ta' l-anqas għal dan is-settur, leġislazzjoni aħjar ma tfissirx nuqqas ta' leġislazzjoni, iżda li toffri qafas stabbli, ċar u implimentazzjoni tar-regolamenti li hija faċli, bl-inqas spejjeż amministrattivi possibbli.

1.4

Il-Kumitat jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li l-Kummissjoni talbitu jagħmel din il-biċċa xogħol delikata li jindividwa, bl-aktar qbil wiesa' possibbli, l-oqsma fejn il-leġislazzjoni Komunitarja għandha tiġi ssemplifikata, fil-kuntest ta' l-attivitajiet li wasslu lill-korpi leġislattivi sabiex jiżviluppaw leġislazzjoni aħjar u aktar sempliċi.

1.5

Il-Kumitat jinnota li bħalissa għaddejjin diversi inizjattivi ta' leġislazzjoni li jinteressaw lis-settur: hemm bżonn li jiġu bbilanċjati l-interessi varji li hemm fin-nofs, dawk ekonomiċi, soċjali u ambjentali. Il-ħolqien tas-suq intern ma jistgħax jidħol f'kunflitt ma' kunsiderazzjonijiet oħra li jistħoqqilhom attenzjoni kbira, bħas-saħħa, is-sigurtà tal-ħaddiema, il-protezzjoni tal-konsumaturi u l-ħarsien ta' l-ambjent, fil-kuntest tal-miri ta' l-aġenda ta' Lisbona. Fl-opinjoni tal-Kumitat hemm bżonn ta' strateġija integrata u koordinata ta' l-inizjattivi differenti.

1.6

Il-Kumitat jilqa' l-proposti li hemm fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Frar 2007, li għandhom l-iskop li jimmodifikaw l-aproċċ il-ġdid u li jsaħħu r-rwol ta' l-Istati Membri fl-attivitajiet ta' sorveljanza tas-suq; dawn mhux dejjem jiddedikaw riżorsi biżżejjed għal dan l-iskop. Il-Kumitat jappella sabiex jissaħħu d-dipartimenti tal-Kummissjoni li għandhom rwol ta' koordinazzjoni, monitoraġġ, u f'xi każijiet anke ta' kontroll ta' l-amministrazzjoni ta' proċeduri ta' akkreditar, l-attivitajiet tal-korpi ta' notifika u tal-kwalità taċ-ċertifikazzjoni tagħhom. Huwa jappoġġja l-ħolqien ta' “pjattaforma ta' komunikazzjoni” bejn l-operaturi ta' l-Istati Membri, li jridu jaġixxu b'mod proporzjonat u koerenti ma' l-objettivi tad-direttivi u l-politiki Komunitarji, biex b'hekk isseħħ konverġenza gradwali tas-sistemi u l-mudelli ta' sorveljanza tas-swieq.

1.7

Il-Kumitat jappella sabiex fl-attivitajiet ta' standardizzazzjoni l-partijiet interessati kollha jkunu jistgħu jipparteċipaw sa mill-bidu fid-definizzjoni ta' l-istandands, u b'hekk tissaħħaħ il-parteċipazzjoni kemm tal-kumitati tekniċi, speċjalment fil-livell lokali kif ukoll ta' l-istimi ta' l-impatt, mingħajr ma jkun hemm dipendenza eċċessiva fuq il-konsultazzjoni bl-internet, strument utli, iżda li ma jistgħax jintuża waħdu, speċjalment f'dan il-qasam, bħala strument ta' komunikazzjoni mal-partijiet interessati.

1.8

Fejn tidħol l-istandardizzazzjoni “armonizzata”, il-Kumitat iqis li din trid tkun disponibbli bla ħlas jew bi ħlas nominali, b'mod partikolari fil-każ ta' l-intrapriżi żgħar u ta' daqs u tiġbed l-attenzjoni għat-trattament differenti bejn id-ditti li ma jiġux minn pajjiżi li l-lingwi tagħhom jintużaw fil-ħruġ ta' l-istandards (l-Ingliż, il-Franċiż u xi kultant il-Ġermaniż) u l-oħrajn li m'għandhomx għalfejn jidħlu għal spejjeż ta' traduzzjoni li kultant huma kbar.

1.9

Il-Kumitat jenfasizza l-bżonn li jiġu eliminati l-ispejjeż amministrattivi mhux ġustifikati, sabiex b'hekk jitnaqqsu l-ispejjeż għas-sistema produttiva b'mod sinifikanti.

1.10

Il-Kumitat jappella lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra bis-serjetà l-bżonn li tippromovi l-istabblità ta' l-istandardizzazzjoni, u tilqa' wkoll is-suġġerimenti li joħorġu mingħand dawk li jaħdmu fil-qasam u tal-partijiet interessati prinċipali. Fejn jidħol il-qafas ġuridiku u l-bażi legali ta' riferiment, il-Kumitat jirrakkomanda lill-Kummissjoni, li qabel ma toħroġ regolament tqis jekk l-istess objettivi jistgħux jintlaħqu b'forom differenti, bħall-awto-regolamentazzjoni jew il-ko-regolamentazzjoni, sakemm ikun hemm garanzija ta' l-ogħla livell ta' trasparenza u parteċipazzjoni mill-partijiet kollha interessati u li jitqies dejjem l-iskop prinċipali tar-regolament u l-kontenut tiegħu, meta jintagħżel ir-riferiment indispensabbli għall-artikoli differenti tat-Trattat bħala bażi legali.

1.11

Il-Kumitat jappella sabiex jiġu eliminati l-ostakli tekniċi għat-twettiq tas-suq intern. Regolamenti nazzjonali u lokali li m'humiex ġustifikati joħolqu ostaklu effettiv u insormontabbli għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-merkanzija.

1.12

Il-Kumitat jirrakkomanda li l-leġislazzjoni futura tiġi dejjem preċeduta minn stima ta' l-impatt ex ante, adegwata u attenta, li tikkunsidra l-grad ta' proporzjonalità, iżda wkoll ta' monitoraġġ sussegwenti, strett ħafna, sabiex jilqa' għal ħsara li jekk issir tkun irreparabbli għall-futur ta' l-intrapriżi tas-settur.

1.13

Id-djalogu soċjali settorjali Ewropew ser ikollu wkoll rwol essenzjali sabiex jidentifika l-inizjattivi komuni kollha intiżi sabiex isostnu l-iżvilupp ta' l-impjiegi u l-kompetittività tas-settur, fir-rispett tal-prinċipji irrinunċjabbli tas-sikurezza tal-ħaddiema, taċ-ċittadini u ta' l-ambjent. Il-prattiċi ta' responsabbilità soċjali ta' l-intrapriżi jistgħu jiffaċilitaw dan id-djalogu kostanti bejn l-intrapriżi u l-partijiet interessati, sabiex jiġu evitati użijiet impropji, jikbru l-kuxjenza u t-taħriġ tul il-ħajja kollha u tinħoloq relazzjoni pożittiva mar-reġjun involut u mal-konsumaturi finali.

2.   Il-kontenut tat-talba tal-Kummissjoni

2.1

Il-Kummissjoni Ewropea, fuq l-inizjattiva tal-Viċi Presidenti Wallström u Verheugen talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għal Opinjoni esploratorja li tanalizza l-koerenza globali tal-qafas regolamentari applikabbli għal settur industrijali, b'mod partikolari dak tal-makkinarju, sabiex tiġi identifikata sa fejn hi possibbli s-semplifikazzjoni. L-analiżi għandha tiffoka, barra milli fuq il-leġislazzjoni speċifika tas-settur, fuq il-qafas kollu ta' regolamentazzjoni li jolqot is-settur “makkinarju”.

2.2

Fid-dawl tal-ħsieb li jipparteċipaw il-partijiet interessati fil-proċess tas-semplifikazzjoni, b'mod partikolari fl-identifikazzjoni ta' dawk ir-regoli li joħolqu problemi partikolari, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-Kumitat għandu esperjenza vasta u notevoli u kompożizzjoni li hija verament pluralista u għalhekk huwa l-post ideali sabiex joħorġu u jiġu sintetizzati l-perspettivi ta' l-operaturi ekonomiċi u tas-soċjetà ċivili fl-Ewropa.

2.3

Fil-kuntest ta' l-esperjenza li kiseb il-Kumitat bl-Opinjonijiet numerużi tiegħu fuq leġislazzjoni aħjar u s-semplifikazzjoni (1) u l-artikolu 8 tal-Protokoll ta' kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-KESE, il-Kummissjoni tafda din il-biċċa xogħol importanti lill-Kumitat. Fil-każ li din il-ħidma tal-Kumitat tkun pożittiva u produttiva, il-Kummissjoni qiegħda tikkunsidra li ttenni din it-talba għal oqsma oħra rilevanti għall-aġenda tagħha u tal-Kumitat għal-leġislazzjoni aħjar.

2.4

Wara, il-Kummissjoni spjegat aħjar il-perspettiva tagħha, fejn iċċarat li leġislar aħjar ma jfissirx tnaqqis u li anzi, hemm bżonn li ta' l-anqas jinżamm l-istess livell ta' protezzjoni għall-ħaddiema, il-konsumaturi u l-ambjent, bil-għan li jiġi assigurat qafas ta' regolamentazzjoni li jippermetti kompetittività aħjar.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Qabel xejn, il-Kumitat jistqarr li huwa interessat ħafna li jiżvolġi r-rwol li jfittex li joħloq sinteżi bejn l-interessi differenti, sabiex joħroġ bi proposta ta' titjib u semplifikazzjoni fil-qafas normattiv u leġislattiv eżistenti. L-aħjar kultura tal-Kumitat tibbaża l-kapaċità tagħha li tinfluwenza l-proċess ta' deċiżjoni permezz tal-metodu tat-tiftix ta' l-aktar kunsens wiesgħa possibbli fost ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili li jesprimu interessi differenti. Il-fedeltà ċara għall-prinċipji u l-valuri Komunitarji, l-ekwilibriju, il-kwalità u l-element innovattiv fl-Opinjonijiet tiegħu, jirrendu l-Kumitat interlokutur importanti u b'saħħtu ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji. L-istimolu u kważi l-isfida li din it-talba mill-Kummissjoni titfa' fuq il-komponenti tal-Kumitat, filwaqt li jirnexxielu japprofitta minn din l-okkażjoni, tista' teżalta r-rwol ta' punt ta' laqgħa, diskussjoni u konfront li t-Trattati jirrikonoxxu li għandha s-soċjetà ċivili organizzata.

3.2

L-opportunità għall-Kumitat li jindika minn qabel l-oqsma li fuqhom għandha ssir il-ħidma sabiex jitjieb il-qafas ta' riferiment leġislattiv jiftaħ orizzonti ġodda ta' metodu u kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet Ewropej. Huwa ovvju li kull parti interessata, kull waħda għal rasha, diġà indikat il-ħtiġijiet u x-xewqat tagħha lill-Kummissjoni. Intrapriżi li jipproduċu jew li jużaw, ħaddiema, konsumaturi, korpi ta' standardizzazzjoni u awtoritajiet pubbliċi, diġà ppreżentaw l-idejat tagħhom dwar kif għandha “titjieb” r-regolamentazzjoni eżistenti. Il-metodi ta' konsultazzjoni li ġew adottati s'issa però, ma jippermettux sintesi iddettaljata tal-pożizzjonijiet differenti, u b'hekk daqqa xi ħadd u daqqa xi ħaddieħor jibqa' jħossu li ma ġiex mismugħ biżżejjed.

3.3

Il-Kumitat jista' joħloq din is-sintesi kemm minħabba l-esperjenzi li mmaturaw fi ħdanu, kif ukoll minħabba n-netwerks ta' relazzjonijiet rilevanti li normalment il-membri tiegħu jistgħu jaqaw fuqhom sabiex jiksbu kontribuzzjonijiet bbażati fuq l-esperjenza importanti. Dwar din it-tema, il-Kumitat diġà esprima ruħu in parti, fl-Opinjoni fuq inizjattiva proprja tiegħu “It-trasformazzjonijiet industrijali fis-settur ta' l-inġinerija mekkanika (2)”.

3.4

Il-Kumitat jinnota li bħalissa għaddejjin jew hemm imħabbra diversi inizjattivi fejn tidħol r-regolamentazzjoni Komunitarja fil-qasam tal-produzzjoni industrijali u, b'mod partikolari, fis-sotto-settur tal-makkinarju. Dawn l-inizjattivi jqajmu diversi problemi kumplessi ta' natura differenti. Jidher li jkun utli li dawn il-problemi jiġu eżaminati sabiex jitqiesu l-interessi differenti li r-regolamentazzjoni Komunitarja tipproteġi: iċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-merkanzija, is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, il-protezzjoni tal-konsumaturi u l-ħarsien ta' l-ambjent, il-miri ta' l-istrateġija ta' Lisbona, kemm ekonomiċi kif ukoll soċjali. Dawn ir-regolamenti joriġinaw minn strumenti leġislattivi differenti u qatt ma sar studju ta' dan it-tip. Il-Kumitat iqis li effettivament wasal il-waqt li s-suġġett sħiħ jiġi affrontat b'mod organiku u strutturali.

3.5

Fil-kamp tal-produzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-materjali industrijali, ir-regolamentazzjoni Komunitarja ġiet elaborata b'mod progressiv. B'mod ġenerali hija ppermettiet armonizzazzjoni leġislattiva li ssemplifikat b'mod konsiderevoli l-ambitu ssemplifikat li fihom joperaw l-intrapriżi, anke jekk għandu jiġi enfasizzat li dan il-proċess għadu mhux komplut.

3.6

Ir-regolamentazzjoni Komunitarja, adottata mit-tieni nofs tas-snin 80, hija bbażata fuq żewġ korpi regolamentari kbar: xi wħud jirrigwardaw is-suq, l-oħrajn il-postijiet tal-ħidma. L-implimentazzjoni effettiva ta' din ir-regolamentazzjoni tissupponi l-intervent ta' numru kbir ta' atturi differenti: korpi ta' standardizzazzjoni u ta' notifika, diżinjaturi u manufatturanti, importaturi u aġenti, dawk li huma fil-muntaġġ u l-installazzjoni, korpi pubbliċi ta' spezzjoni u ta' żamma tal-kontroll (li jinkludu d-dwana u l-ġudikatura), l-intraprendituri, il-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom, eċċ. L-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi esprimew l-interess partikolari tagħhom li jkollhom rwol prattiku u effettiv, s'issa l-parteċipazzjoni tagħhom iqisuha insuffiċjenti. Il-kooperazzjoni bejn dawn l-atturi kollha hija essenzjali daqs il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi fil-livell nazzjonali u Ewropew.

3.7

L-applikazzjoni ta' dawn ir-regoli ma tidhirx li toħloq diffikultajiet kbar, iżda minkejja din l-evalwazzjoni pożittiva fuq il-livell ġenerali, hemm xorta numru ta' diffikultajiet prattiċi.

4.   Sigurtà mtejba, iżda mhux biżżejjed

4.1

Kull sena, fl-UE, l-inċidenti fuq il-postijiet tax-xogħol jikkawżaw bejn is-6 000 u t-8 000 mewt (li minnhom 40 % għadhom taħt il-35 sena) u mijjiet ta' għeluf ta' korrimenti. Parti minn dawn l-inċidenti huma kkawżati mill-għodod tax-xogħol. F'xi każijiet, in-nuqqas ta' effikaċja tal-forma ta' protezzjoni individwali jew formazzjoni mhux adegwata huma daqstant responsabbli. Madwar kwart mill-ħaddiema ta' l-UE jiddikjaraw li jridu jużaw xi forma ta' protezzjoni individwali sabiex iħarsu saħħithom u s-sigurtà tagħhom. L-aġenti fiżiċi prinċipali li joħolqu fatturi ta' riskju fil-qasam tax-xogħol huma ġeneralment marbuta ma' l-għodod tax-xogħol: il-ħoss, il-vibrazzjonijiet, ir-raġġi jonizzanti u mhux. Fatturi ergonomiċi għandhom rwol essenzjali fil-qasam tas-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol. F'numru ta' każijiet, l-għodda tax-xogħol tista' tikkawża kuntatt ma' sustanzi kimiċi: l-effika tal-forma ta' protezzjoni individwali tista' tkun f'xi każijiet kruċjali.

4.2

Wieħed irid iżomm f'moħħu b'mod partikolari il-prodotti li huma ddestinati għal konsum wiesgħa minn pubbliku bla differenzjazzjoni u li żgur ma jkunx avżat dwar ir-riskji marbuta mal-makkinarju li jixtri jew jikri. Sfortunatament iseħħu ħafna inċidenti lill-konsumaturi li jagħmlu użu ħażin, u dawn l-inċidenti ma jingħaddux ma' l-istatistiċi.

5.   Kooperazzjoni xi drabi diffiċli bejn l-atturi varji

5.1

Wieħed jinnota li l-kooperazzjoni bejn l-atturi li jaġixxu fis-suq uniku tiltaqa' ma' diffikultajiet u anke ma' reżistenza kbira li l-affarijiet isiru b'mod kompletament trasparenti: min-naħa tas-settur privat sabiex jipproteġi lilu nnifsu mill-konkorrenza jew mill-miżuri dixxipplinari, u min-naħa tas-settur pubbliku minħabba l-inerzja burokratika li xi drabi hija profonda! Per eżempju huwa ovvju l-bżonn li tiżdied il-kooperazzjoni bejn l-intrapriżi li jimmanifatturaw u dawk li jużaw il-makkinarju jew il-ħtieġa li tiżdied it-trasparenza fil-mod li bih ir-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva ta' “L-aproċċ il-ġdid” jiġu interpretati mill-korpi ta' standardizzazzjoni, l-awtoritajiet ta' kontroll, entitajiet ta' notifika u tal-konsulenti li joffru l-appoġġ tekniku lill-intraprendituri.

5.2

Din il-problema kienet fiċ-ċentru ta' l-attenzjoni tal-Kummissjoni fl-inizjattiva reċenti tagħha ta' reviżjoni fl-“Approċċ il-Ġdid”, li ġiet annunċjata fl-14 ta' Frar 2007, taħt it-titlu Il-pakkett il-ġdid għaċ-ċirkolazzjoni tal-prodotti fis-suq intern. Dan jikkonsisti fi Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-ħtiġijiet għall-akkreditazzjoni u s-sorveljanza tas-suq dwar it-tqegħid ta' prodotti fis-suq [COM(2007) 37 fin (3)] u l-Proposta tad-Deċiżjoni tal-Parlament u tal-Kunsill dwar qafas komuni għat-tqegħid ta' prodotti fis-suq [COM(2007) 53 fin (4)]. Il-pakkett jipproponi li “jissaħħu l-istrutturi ta' sorveljanza tas-suq sabiex jeskludi l-prodotti li m'humiex sikuri, billi jneħħihom mis-suq tal-Komunità u jaġixxi kontra l-intrapriżi frodulenti. Il-korpi ta' verifika, ċertifikazzjoni u spezzjoni li huma involuti fit-testjar tal-prodotti ser ikunu soġġetti għal kontrolli aktar iebsa fil-forma ta' akkreditu, sabiex jiġi żgurat livell regolamentari komuni kemm għall-intrapriżi kif ukoll għall-korpi ta' kontroll”. (F'dan il-perijodu fl-UE joperaw madwar 1 800 korp ta' notifikazzjoni, jiġifieri laboratorji, ċentri ta' ispezzjoni u ta' ċertifikazzjoni, suġġetti privati li jirċievu akkrediti sabiex joperaw mill-amministrazzjoni pubblika. Ta' min wieħed jinnota li fost dawn il-korpi “indipendenti” hemm dawk li ħarġu direttament mill-assoċjazzjonijiet ta' l-intrapriżi ta' manifattura, u b'hekk il-kunflitt ta' l-interessi jista' jsir verament problematiku! Fi Stat Membru, per eżempju, fis-settur biss ta' l-liftijiet ġew akkreditati aktar minn 80 korp ta' notifikazzjoni.

5.2.1

Tnejn u għoxrin sena wara l-pubblikazzjoni tar-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Mejju 1985, li daħħal il-prinċipji ta' l-approċċ il-ġdid, il-Kummissjoni tipproponi aġġornament u tisħiħ tal-kontroll fuq is-swieq, sabiex il-marka CE issir dejjem aktar affidabbli. Il-Kumitat iqis li l-metodu ta' l-approċċ il-ġdid, li involva 25 direttiva, li minnhom 21 kellhom l-ispeċifikazzjonijiet sabiex tingħata l-marka u 4 ma kellhomx, ta riżultati tajbin, u ffavorixxa l-iżvilupp tas-suq intern, iżda fl-istess waqt, il-KESE jqis li r-reviżjoni proposta hija bżonjuża. Iridu jiżdiedu l-poteri u r-responsabbiltajiet ta' l-Istati Membri, iżda anke dawk tal-Kummissjoni, li trid issaħħaħ id-dipartimenti sabiex tkun tista' żżomm monitoraġġ kontinwu ta' l-attivitajiet ta' sorveljanza tas-swieq, tal-mod kif jiġu akkreditati l-korpi ta' notifikazzjoni, u f'xi każijiet, anke ta' l-attivitajiet tagħhom. L-organizzazzjonijiet settorjali, fil-qasam tar-riċerka tal-Kummissjoni, esprimew ruħhom fil-parti l-kbira tagħhom favur dan it-tisħiħ ta' l-awtoritajiet nazzjonali u konsegwentement Ewropej.

5.3

Il-Kumitat jilqa' din l-inizjattiva li tillimita l-element ta' diskrezzjoni u valutazzjonijiet inkonsistenti, li jostakolaw l-iżvilupp tas-suq intern, billi joħloq żvantaġġi fil-kompetizzjoni għal dawk l-operaturi li jirrispettaw il-liġijiet. It-tfixkil fil-konkorrenza ikkawżat minn sorveljanza “aljenata” hija problema mill-aktar gravi, li toħroġ wieħed mill-limiti fl-implimentazzjoni ta' l-approċċ il-ġdid. Barraminhekk is-semplifikazzjoni u ċ-ċarezza tal-qafas leġislattiv huma fundamentali speċjalment għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-swieq, kemm fiż-żona UE/ŻEE kif ukoll fil-livell internazzjonali. Huwa jappoġġja l-ħolqien ta' “pjattaforma ta' komunikazzjoni” bejn l-operaturi ta' l-Istati Membri, li jridu jaġixxu b'mod proporzjonat u koerenti ma' l-objettivi tad-direttivi u l-politiki Komunitarji, sabiex b'hekk isseħħ konverġenza gradwali tas-sistemi u l-mudelli ta' sorveljanza tas-swieq. Il-parteċipazzjoni tad-dwana f'din l-attività hija ta' importanza fundamentali.

5.4

Fil-livell Ewropew għandu jkun hemm kooperazzjoni akbar bejn id-direzzjonijiet interessati (per eżempju, ENTR, ENV, EMPL u SANCO), li jistgħu jaħdmu flimkien sabiex joħolqu “Gwidi” għall-użu tad-Direttivi esistenti, li naturalment ma jissostitwixxux il-liġijiet, iżda jistgħu joffru kontribuzzjoni valida u jistgħu jiffrankaw ħafna flus li jintefqu f'konsulenzi bla bżonn.

5.5

Fil-każ ta' prodotti staġjunali, bħall-makkinarju tal-ġnien, hemm bżonn li jiddaħħlu proċeduri ssemplifikati u aċċellerati, sabiex ma tintilifx l-opportunità tas-suq. Għal dan il-għan il-Kumitat jissuġġerixxi l-ħolqien ta' “Istitut ta' medjazzjoni”, fejn wieħed ikun jista' jiżgura li bżonnijiet partikolari ġġustifikati jkunu jistgħu jintlaqgħu filwaqt li tibqa' tinżamm il-garanzija ta' applikazzjoni rigoruża tar-regolamenti kollha, b'mod partikolari dawk marbuta mas-sikurezza.

6.   Obbligazzjonijiet amministrattivi mhux neċessarjament ġustifikati

6.1

Prijorità oħra li ġiet imħabbra mill-Kummissjoni hija t-tnaqqis ta' l-obbligazzjonijiet amministrattivi li m'humiex utli, u li għandhom impatt qawwi fuq il-kompetittività. Il-Kumitat isegwi b'interess l-isforzi tal-Kummissjoni f'dan il-qasam, li ġew konkretizzati bil-programm ta' azzjoni ippreżentat fl-24 ta' Jannar 2007, bl-objettiv li jonqsu bi kwart l-obbligazzjonijiet amministrattivi ta' l-intrapriżi sa l-2012.

6.2

Il-Kummissjoni tista' tikkontribwixxi sabiex jiġu solvuti b'mod prattiku xi problemi ta' implimentazzjoni tad-Direttivi, per eżempju billi tiċċentralizza lejha l-komunikazzjonijiet kollha li attwalment iridu jintbagħtu lill-Istati Membri individwalment, b'diffikultajiet enormi anke sabiex sempliċement jintbagħtu fl-indirizz it-tajjeb. Dan hu il-każ tad-Direttiva 2000/14/KE dwar l-emissjonijiet tal-ħoss, li għaliha trid tintbagħat dikjarazzjoni ta' konformità lil Stat Membru u lill-Kummissjoni, jew inkella tad-Direttiva 97/68/KE, dwar l-emissjonijiet tal-muturi tal-makkinarju tax-xogħol, li għaliha l-intrapriza trid tavża, jekk qiegħda fl-iskema “flessibbli”, lill-awtoritajiet kompetenti ta' kull Stat Membru, dwar it-tip ta' approvazzjoni li rċiviet u terġa tirrapporta lilhom kull sitt xhur.

6.3

L-intrapriżi jiltaqgħu ma' diffikultajiet kbar fl-implimentazzjoni prattika tad-direttivi dwar il-ħarsien tal-ħaddiema mill-aġenti fiżiċi. B'mod partikolari dik dwar il-vibrazzjonijiet, 2002/44/KE jew dik dwar ir-riskji ta' kuntatt ma' radjazzjonijiet ottiċi mhux jonizzanti, 2006/25/KE, joffru problemi kbar speċjalment għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju. Dawn il-problemi jistgħu jirrepetu rwieħhom fl-implimentazzjoni tad-direttiva li jmiss dwar ir-radjazzjonjiet ottiċi artifiċjali. Hemm bżonn ta' gwidi dwar l-implimentazzjoni prattika, għaliex inkella dawn id-direttivi mhux ser jilħqu l-iskop tagħhom. Ovvjament, fil-każ ta' impossibbiltà effettiva ta' l-implimentazzjoni prattika, hemm bżonn li ssir riflessjoni u li jsiru l-modifiki neċessarji malajr sabiex l-intrapriżi jkunu jistgħu jirrispettaw l-obbligazzjonijiet legali tagħhom.

6.4

Fil-qasam tal-produzzjoni industrijali u b'mod partikolari fil-produzzjoni tal-makkinarju, wieħed għandu jqis l-esiġenzi differenti meta tiġi affrontata l-kwistjoni ta' l-obbligazzjonijiet amministrattivi. It-traċċabilità ta' l-atturi differenti hija essenzjali kemm għas-sigurtà fiżika ta' min juża' l-prodott kif ukoll għaċ-ċertezza legali tar-relazzjonijiet kuntrattwali li jiġu stabbiliti fuq is-suq. Għalhekk hemm bżonn li jinstabu soluzzjonijiet ekwilibrati li jżommu l-kundizzjonijiet tat-trasparenza u tat-traċċabilità, mingħajr ma jżidu spejjeż amministrattivi inutli.

7.   Ir-rwol ta' l-istandardizzazzjoni

7.1

L-istandardizzazzjoni teknika għandha rwol importanti fit-tħaddim tar-regoli Komunitarji u tippermetti li jiġu kkonkretizzati l-ħtiġijiet essenzjali ta' sigurtà li jinstabu fil-leġislazzjoni. Ir-rispett għall-istandards joħloq suppożizzjoni ta' konformità mad-direttivi. Iċ-ċertifikazzjoni, meta hemm bżonnha, min-naħa ta' korpi ta' notifika akkreditati ma tistax tinfired mill-eżistenza ta' qafas leġislattiv magħmul minn regoli.

7.2

Flimkien, il-korpi Ewropej ta' standardizzazzjoni żvolġew ħidma utli ħafna bbażata fuq il-mandati tal-Kummissjoni. Fi kwalunkwe każ, l-iżvilupp ta' l-istandards jitlob proċedura aktar parteċipattiva li tinvolvi l-partijiet interessati u dan jiffaċilita paraguni suċċessivi, huwa fatt magħruf li llum dan qiegħed f'idejn numru strett ta' atturi. Il-parti l-kbira ta' l-industriji li jużaw il-makkinarju m'għandhomx la l-mezzi u lanqas ir-riżorsi sabiex isegwu din l-attività b'mod regolari. Il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema u tal-konsumaturi hija aktar marġinali. Sitwazzjoni bħal din tagħmilha diffiċli li wieħed iqis l-importanza ta' l-esperjenza akkwistata. Xi standards ma jindirizzawx il-preokkupazzjonijiet kollha li joħorġu f'dan il-qasam. Il-Kumitat jittama li l-parteċipazzjoni fil-kumitati tekniċi mill-partijiet interessati tiġi msaħħa, speċjalment fil-livell lokali, f'dan is-settur fejn ftit huma dawk li effettivament għandhom poter deċiżjonali. Il-Kumitat huwa ppreokkupat li l-ispejjeż li qegħdin jiżdiedu ta' l-istandardizzazzjoni jistgħu jfixklu l-kompetittività, u anke s-sikurezza, fejn, per eżempju, hemm preferenza li jittieħed ir-riskju li l-makkinarju jintuża' b'mod li m'huwiex adattat jew skond l-istandards. Xi intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fl-Ewropa tal-lvant li jaħdmu mingħajr il-preparazzjoni xierqa jew li jagħmlu xi tibdil.

7.3

Il-Kumitat jilqa' l-inizjattivi li ġew annunċjati fil-15 ta' Marzu 2007 fil-Pjan ta' azzjoni għal standardizzazzjoni Ewropea, li fih kull Stat Membru ġie mistieden sabiex jirrapporta dwar l-istat ta' implimentazzjoni tal-miżuri li ttieħdu sabiex tiġi appoġġjata l-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati kollha fl-istandardizzazzjoni Ewropea u dik internazzjonali. Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, għandha tintegra l-osservazzjonijiet li saru fl-istandardizzazzjoni Ewropea. Il-parteċipazzjoni ta' l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fil-proċeduri ta' standardizzazzjoni huwa essenzjali, kemm fil-livell Ewropew, kif ukoll dak nazzjonali u hemm bżonn li l-kontribuzzjoni tagħhom fil-proċessi futuri ta' standardizzazzjoni jsir effettiv.

7.4

F'ċerti każijiet, jista' jkun diffiċli għall-intraprendituri li jirrispettaw l-obbligazzjonijiet li joħorġu mill-leġislazzjoni dwar is-saħħa u s-sigurtà. L-istima ta' riskju, fil-fatt, mill-mument meta tiġi użata magna, timplika komplimentarjetà neċessarja bejn il-produttur u l-intrapriża li tużha. Jistgħu jqumu xi diffikultajiet jekk l-istandards ma jipprevedux li tingħata informazzjoni adegwata dwar ir-riskji residwi li l-intrapriża trid toqgħod attenta għalihom. Jekk l-intraprendituri m'humiex informati b'mod korrett dwar ir-riskji residwi marbuta mal-magna li qegħdin jixtru, ser ikun diffiċli għalihom li josservaw l-obbligazzjonijiet ta' l-istima tar-riskju li joħorġu mid-direttiva qafas 89/391/KEE u mid-19-il direttiva speċifika kumplementari tagħha fil-qasam tal-protezzjoni attiva u passiva tal-ħaddiema.

7.5

Id-disseminazzjoni ta' dawn l-istandards tista' tkun problematika għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju minħabba li jiswew ħafna sabiex jinxtraw; jekk l-istandardizzazzjoni twassal għal proċeduri ta' ċertifikazzjoni, l-ispejjeż amministrattivi ġeneralment huma ħafna ogħla minn dawk li jiddependu direttament fuq il-liġi.

7.6

L-istima tar-riskju li l-ispeċjalisti tal-CEN jiżviluppaw hija importanti ħafna għall-imprendituri, li jridu jżidu magħha analiżi speċifika marbuta ma' l-ambjent ta' ħidma fejn il-magna ser tiġi użata. L-ispiża għal dawn l-istandards armonizzati huwa għoli, speċjalment għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju. Il-Kumitat jirrakkomanda li tiġi eżaminata l-proposta li l-istandards “armonizzati”, li joħorġu mill-mandat li l-KE tagħti lis-CEN, ikunu disponibbli b'xejn jew bi prezz simboliku, sabiex jippermettilhom li jikkonformaw ma' l-obbligazzjonijiet leġislattivi Id-diffużjoni b'xejn fuq l-Internet, wara kollox, diġà ġiet implimentata b'suċċess min-naħa tas-settur tat-telekomunikazzjoni fejn xi standards ta' l-ETSI (European Telecommunication Standard Institute), huma accessibbli direttament minn fuq l-website.

8.   Il-promozzjoni ta' l-istabbiltà tar-regolamentazzjoni

8.1

Il-Kumitat jenfasizza li m'hemmx bżonn li kull darba jiġu mmodifikati direttivi li taw u qegħdin jagħtu riżultati tajbin. Żgur li l-ħidma u r-riżultati li wasslu għat-titjib komprensiv tad-direttiva 98/37/KE, il-famuża “direttiva tal-makkinarju”, kienu partikolarment kumplessi u, fl-aħħar, laħqu bilanċ tajjeb ħafna bejn l-interessi differenti. F'xi każijiet oħra forsi jkun aħjar jekk ma jkunx hemm eċċess tal-hekk imsejjaħ “titjib”, per eżempju bil-modifika tad-direttiva vultaġġ baxx, 73/23/KE, jew kif ġibdet l-attenzjoni l-assoċjazzjoni tal-kostrutturi tal-makkinarju, fin-nota tagħha tal-5 ta' Novembru 2004, dwar il-proposta xejn adattata tal-Kummissjoni sabiex tgħaqqad id-direttiva 87/404/ KE u d-direttiva dwar apparat ta' pressjoni 97/23.

8.2

Is-suq wera l-bżonn ta' qafas regolatorju stabbli u ċar sabiex l-investimenti jkunu jistgħu jiġu ppjanati bil-kwiet u jkunu konformi ma' regoli ċari, li ma jinbidlux kull ftit żmien. Mill-banda l-oħra r-riskju li s-“semplifikazzjoni” tista' twassal għal spejjeż amministrattivi akbar u għal żieda fl-ispejjeż għal proċeduri ta' valutazzjoni ta' konformità aktar kumplessi, teżisti fir-realtà.

8.3

Il-Kumitat, min-naħa l-oħra, fejn tidħol il-possibbiltà li jiġi użat l-artikolu 95 tat-Trattat, jifhem l-ħtiġijiet ta' l-intrapriżi produtturi, iżda jisħaq li l-qafas legali ta' riferiment li fuqu jibbaża l-ħruġ tad-direttivi jrid ikun konformi mal-prinċipji fundamentali tat-trattati, b'mod partikolari fejn tidħol il-bażi legali ta' l-istandards differenti. Huwa evidenti li l-objettiv u l-kontenut ta' l-att huma r-riferiment objettiv li bihom tiġi rrelatata l-implimentazzjoni tar-regoli differenti. Il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea, esprimiet lilha nnifisha, anke reċentement, dwar dan, b'diversi sentenzi, filwaqt li tiġi eskluża, madankollu, il-possibbilità li jista' jkun hemm bażi legali mħallta, meta r-riferimenti legali jkunu kuntrastanti jew jakkumulaw b'mod li jillimitaw id-drittijiet tal-Parlament. Mhux dejjem hu possibbli li tintlaħaq ix-xewqa ta' l-intrapriżi li fil-każ tad-disinn tal-prodotti r-referenza tkun għall-artikolu 95(3) tat-Trattat, meta objettiv ieħor ikun prevalenti, li notorjament jillimita l-poter ta' l-Istati Membri sabiex jirrinfurzaw r-regoli komunitarji, hekk kif inhu previst, per eżempju fl-artikolu 137 jew l-artikolu 175 (5). L-intrapriżi, fil-fatt, jindikaw l-ispejjeż żejda (li jitfgħu fuq l-utent finali) li jridu jiġu affrontati sabiex it-tibdil neċessarju għad-disinn u għal produzzjoni tal-makkinarju, fuq il-bażi tat-talbiet ta' kull Stat Membru. Hemm bżonn li jiġu ideati mudelli leġislattivi kumplementari li ma jisporġux, iżda li jillimitaw għall-essenzjali l-possibbiltajiet ta' l-Istati Membri li jadottaw miżuri distinti u differenti li jridu jirrispettaw il-prinċipju tar-raġonevolezza u tal-proporzjonalità.

8.4

Id-direttiva reċenti “REACH” immarkat żvilupp importanti fil-ħarsien tal-konsumaturi u tal-ħaddiema, il-Kumitat approva s-soluzzjonijiet tekniċi approvati u l-prospettiva ta' flessibilità marbuta ma' possibbiltà ta' semplifikazzjoni, iżda jindika b'ċertu preokkupazzjoni li l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju jistgħu jiltaqgħu ma' xi diffikultajiet, speċjalment jekk il-kontrolli ta' l-importazzjoni ma jkunux stretti daqs kemm titlob l-implimentazzjoni ta' din id-direttiva fundamentali. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, sabiex tosserva bir-reqqa l-modi ta' sorveljanza tas-suq ta' l-Istati Membri, li fis-settur li fuqu qegħdin nitrattaw, urew fil-passat ċerta diffikultà sabiex iwettqu r-rwol tagħhom b'mod effikaċi, anke minħabba li l-korpi ta' viġilanza li twaqqfu kienu neqsin mill-persunal. Għalhekk wieħed jista' jipprevedi, fuq il-bażi tal-prinċipju tal-preferenza lill-produzzjoni ġewwa l-Istati Membri, li l-ħidma tinqasam bejn l-awtoritajiet ta' sorveljanza, per eżempju skond il-qasam tal-prodott (valvijiet, attrezzaturi għat-tqandil u ċ-ċaqliq tal-merkanzija, pompi, kumpressuri, magni għall-industrija tal-manifattura, eċċ.).

8.5

Minkejja l-kontribuzzjoni fundamentali li s-settur ta' l-industrija mekkanika toffri lill-ekonomija Ewropea kollha kemm hi, jidher li l-Istati Membri ftit li xejn jinvestu fl-attivitajiet istituzzjonali li jiġu mgħoddija lilhom. Il-Kummissjoni tista' titlob din l-informazzjoni sabiex tqabbilha mar-riżultati prattiċi li nkisbu. Spiss il-kwalità u l-kwantità tal-kontrolli tiddependi fuq il-kapaċità/rieda individwali, iżda ħafna jiddependi fuq ir-riżorsi disponibbli.

9.   It-tneħħija ta' l-ostakli tekniċi għall-iżvilupp sħiħ tas-suq uniku

9.1

Fil-qasam tal-leġislazzjoni nazzjonali, hemm serje ta' ostakli tekniċi li joħolqu problemi kbar għall-intrapriżi. Wieħed mis-setturi milquta per eżempju, huwa dak tal-makkinarju mobbli li m'huwiex għall-użu fit-triq meta jkollu jivjaġġa fit-toroq pubbliċi. Ir-regolamenti differenti, fejn xi Stati Membri għandhom miżuri aktar stretti minn oħrajn iwassal għal bżonn li wieħed ikun armat b'diversi mudelli. Anki fit-terminoloġija hemm konfużjoni per eżempju bejn “intrapriżi” u “kumpaniji”. L-obbligazzjonijiet ta' reviżjoni previsti minn xi Stati Membri jġibu magħhom spejjeż addizzjonali, li ta' spiss huma duplikati għal kull pajjiż li jipprevedi ispezzjoni ta' korp speċifiku kemm fl-iżvilupp, kif ukoll fl-ittestjar, u fit-trasport. Il-Kumitat jittama li, b'mod partikolari fejn jidħlu l-miżuri ta' sigurtà, wieħed jasal għal armonizzazzjoni ta' l-istandards f'qasir żmien. Fejn jidħlu t-tratturi, per eżempju, barra mid-dispożizzjonijiet attwali fir-rigward ta' mirja li juru x'hemm wara u l-limiti fuq il-veloċità, hemm bżonn ta' dispożizzjonijiet dwar tekniċi speċifiċi għad-dwal ta' quddiem u ta' wara, iżda fuq kollox d-distanza għall-waqfien. Attwalment fit-toroq Ewropej qegħdin jiċċirkulaw tratturi li għandhom aktar minn 40 sena. Jekk gradwalment jonqsu l-inġenji l-qodma, jiġu ggarantiti livelli ogħla ta' sigurtà attiva u passiva.

9.2

Il-Kumitat jirrakkomanda li jiġi regolamentat l-użu tal-makkinarju tax-xogħol fuq it-toroq pubbliċi, b'mod partikolari:

li tiġi adottata proposta għall-armonizzazzjoni tal-leġislazzjoni nazzjonali attwali dwar l-użu tal-makkinarju tax-xogħol fuq it-toroq pubbliċi,

li tiġi użata l-metodoloġija ta' l-aproċċ il-ġdid,

li jkun hemm dispożizzjoni għal standards ta' riferiment li jissoponu konformità ma' l-obbligazzjonijiet,

li jinkludu dispożizzjonijiet adegwati għall-valutazzjoni tal-konformità, u għal xi sistemi (steering u brejkijiet) l-introduzzjoni ta' valutazzjoni tal-konformità li hija aktar stretta.

10.   Il-leġislazzjoni futura: parteċipazzjoni u istima ta' l-impatt

10.1

Il-Kumitat jitlob li fil-futur ikun hemm kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn ir-regolaturi u l-partijiet interessati dwar il-politiki futuri ta' regolamentazzjoni, permezz ta' djalogu effettiv, li jevita li jiddependi wisq fuq il-konsultazzjoni permezz ta' l-internet, peress li hemm bżonn li l-partijiet interessati jinteraġixxu bejniethom. Fil-fehma tal-Kumitat, dwar xi temi speċifiċi, l-konsultazzjoni kontinwa u frekwenti tippermetti li xi problemi jiġu evitati u b'hekk tiġi ggarantita kwalità aħjar ta' leġislazzjoni l-aktar standands effettivi.

10.2

Il-Kumitat iqis li huwa essenzjali l-iżvilupp ta' metodoloġija ta' stima ta' l-impatt fuq l-għażliet differenti li tkun komuni għall-istituzzjonijiet Ewropej — il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni u b'sistema xierqa ta' kontroll tal-kwalità.

10.3

Il-Kummissjoni għandha tqis dejjem jekk l-objettivi li jridu jintlaħqu għandhomx fil-fatt bżonn ta' qafas regolamentari, jew jekk humiex biżżejjed l-awto-regolamentazzjoni jew il-ko-regolamentazzjoni. Il-Kumitat iqis li bejn l-alternattivi differenti, għandha tingħażel dik li tista' tiggarantixxi l-istess objettivi bi spejjeż inqas u b'inqas piżijiet amministrattivi u li tiggarantixxi l-akbar trasparenza u l-akbar parteċipazzjoni possibbli mill-partijiet interessati.

10.4

Id-djalogu soċjali settorjali bejn il-partijiet jassumi rwol fundamentali. L-interessi komuni jistgħu iwasslu għal inizjattivi ta' żvilupp ta' formazzjoni speċifika, speċjalment fil-qasam tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, iżda anke fit-taħriġ tul il-ħajja, li mhux biss ikabbar l-kompetenzi, iżda anke l-għarfien dwar problemi differenti ta' ġestjoni u organizzattivi marbuta ma' użu aħjar u aktar żgur tal-makkinarju. It-tema tar-responsabbilità soċjali ta' l-intrapriża, li tiżviluppa permezz ta' djalogu wiesa' li jinkludi l-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali, jista' jkollha impatt favorevoli fuq l-iżvilupp ta' kultura ta' intrapriżi siguri u produttivi, speċjalment fost l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, fejn id-diffikultajiet li jiġu mmaniġjati r-riskji huma evidentement ogħla.

10.5

Il-Kumitat iqis li għandu jinbeda proċess ta' riflessjoni li jippermetti lill-partijiet interessati kollha li jiżnu r-riżultati u l-limitazzjonijiet tar-regolamentazzjoni Komunitarja. Dan l-eżerċizzju jippermetti li tinstab direzzjoni għal żvilupp flimkien sabiex l-inizjattivi diferenti li jkunu għaddejjin ma jipproduċux soluzzjonijiet parzjali jew kuntradittorji. Id-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni li tikkonsulta mal-partijiet interessati d-direttiva l-ġdida dwar il-makkinarju hija fid-direzzjoni t-tajba. Dawn l-inizjattivi għandhom jiżdiedu. B'mod partikolari l-Kumitat jenfasizza r-rabta li teżisti bejn l-inizjattivi differenti bħal dawk marbuta mal-programmi ta' azzjoni għat-tnaqqis ta' l-obbligazzjonijiet amministrattivi mhux meħtieġa u l-aproċċ il-ġdid (fl-14 ta' Frar 2007 il-Kummissjoni adottat il-proposta tagħha għal regolament u deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew għal qafas ta' reviżjoni ta' l-aproċċ il-ġdid, fuq il-bażi ta' konsultazzjoni pubblika dwar il-futur tas-suq intern): il-Kumitat huwa konvint li żvilupp u koordinazzjoni tajbin bejn dawn l-inizjattivi jistgħu jwasslu għal titjib reali fir-regolamentazzjoni attwali u l-implimentazzjoni konsistenti tagħha fost is-27 Stat Membru.

Brussell, is-26 ta' Settembru 2007

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  ĠU C 24, 31.1.2006 (Rapporteur: Retureau) u ĠU C 309, 6.12.2006 (Rapporteur: Cassidy).

(2)  ĠU C 267, 27.10.2005 (Rapporteur: Van Iersel).

(3)  Opinjoni INT/352, li qiegħda tiġi ppreparata (Rapporteur: Pezzini).

(4)  Opinjoni INT/353, idem 3.

(5)  C-94/03. Sentenza tal-Qorti fil-kawża tal-Kummissjoni Ewropea kontra l-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea — għażla tal-bażi legali.


15.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 10/15


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Qafas Regolatorju Kompetittiv tal-Karozzi għas-Seklu 21 — Pożizzjoni tal-Kummissjoni għar-Rapport Finali tal-Grupp ta' Livell Għoli CARS 21 — Kontribuzzjoni għall-Iżvilupp ta' l-UE u l-Istrateġija ta' l-Impjiegi”

COM(2007) 22 finali

(2008/C 10/04)

Nhar is-7 ta' Frar 2007, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Qafas Regolatorju Kompetittiv tal-Karozzi għas-Seklu 21 — Pożizzjoni tal-Kummissjoni għar-Rapport Finali tal-Grupp ta' Livell Għoli CARS 21 — Kontribuzzjoni għall-Iżvilupp ta' l-UE u l-Istrateġija ta' l-Impjiegi.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-18 ta' Lulju 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Davoust.

Matul l-438 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-26 u s-27 ta' Settembru 2007 (seduta tas-26 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'144 vot favur u 2 astensjonijiet.

1.   Sinteżi u rakkomandazzjonijiet prinċipali

1.1

Il-Kumitat bi pjaċir jinnota li “f'perspettiva ta' regolamentazzjoni aħjar” il-Kummissjoni Ewropea “għandha l-għan li tippromwovi interazzjoni koerenti bejn id-diversi oqsma tal-politika, li tipprovdi previdibilità u li tfittex il-protezzjoni ta' l-interessi pubbliċi (eż. l-ambjent u s-sikurezza) filwaqt li tipprova tnaqqas il-piż regolatorju minn fuq l-industrija.” Il-Kumitat jilqa' x-xewqa li jiġi adottat approċċ olistiku u li jkunu integrati wkoll id-diversi fatturi involuti fl-iżvilupp u l-kompetittività ta' l-industrija u l-partijiet interessati kkonċernati.

1.2

B'mod aktar ġenerali, l-istrateġija globali ta' l-inizjattiva CARS 21 tirrifletti x-xewqa għal koordinazzjoni fost dawk responsabbli mit-tfassil tal-politiki pubbliċi kemm bejniethom u kif ukoll mal-partijiet interessati fil-qasam ta' l-industrija, li l-KESE jħoss li jistħoqqilhom appoġġ sħiħ. Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tkompli tibni fuq il-ħidma regolatorja li diġà twettqet fil-passat u li tiddefinixxi l-miżuri li għandhom jittieħdu fil-ġejjieni tixhed għall-importanza ta' dan l-approċċ u, fl-istess ħin, id-diffikultajiet li tiffaċċja fil-prattika.

1.3

Il-benefiċċji prinċipali ta' dan l-approċċ jikkonsistu f'li l-partijiet interessati kollha jaraw biċ-ċar id-direzzjoni li l-politiki Ewropej fil-qasam tal-karozzi qegħdin jieħdu. It-tbassir tal-politiki ta' l-UE jitjieb f'kull waħda mill-oqsma prinċipali, u konsegwentement jonqos il-piż regolatorju fuq l-industrija.

1.4

Benefiċċju dirett ta' dan l-approċċ huwa li jitnaqqas il-piż amministrattiv li jwassal sabiex minflok it-38 direttiva Komunitarja jkun hemm regolamenti ta' l-UN/ECE (il-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa). Bl-istess mod, ix-xogħol li twettaq fil-qasam ta' l-ambjent u s-sikurezza fit-toroq juri li approċċ integrat huwa prattikabbli u jsaħħaħ il-leġittimità tal-qafas regolatorju f'għajnejn il-partijiet interessati involuti u jagħmilha aktar previdibbli għall-atturi industrijali. Approċċ bħal dan joħloq kunsens li fuqu tkun tista' tissejjes kwalunkwe azzjoni tal-partijiet interessati.

1.5

Minkejja dan, jeħtieġ li jinxteħet dawl fuq id-diffikultajiet sabiex dan l-approċċ jiġi adottat fil-prattika. Jeżistu tliet kategoriji:

i)

it-tfittxija għal kunsens għandha t-tendenza li ddewwem it-teħid ta' deċiżjonijiet dwar id-diversi kwistjonijiet involuti;

ii)

il-kontenut ta' l-analiżi u tar-rakkomandazzjonijiet jiddependi ħafna fuq liema partijiet interessati huma kkonsultati fil-proċess;

iii)

l-għażla ta' approċċ integrat tista' twassal għal sitwazzjoni fejn ikun hemm konfużjoni dwar kif għandhom jitqassmu r-responsabbiltajiet meta jkunu qegħdin jiġu analizzati l-kwistjonijiet imqajma.

1.6

Il-lista ta' 39 miżura jew impenn elenkati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni hija twila ħafna u kollha kemm huma ġġustifikati. Aktar ser ikun problematiku li jinġabru d-39 miżura flimkien; dan iqajjem ukoll il-kwistjonijiet marbuta ma' konsistenza u skedar li għadhom mhux riżolti. Per eżempju, jiġi adottat approċċ integrat sabiex ikunu indirizzati kwistjonijiet ambjentali u ta' sikurezza iżda ż-żewġ kwistjonijiet m'humiex, fihom infushom, indirizzati b'mod integrat. Il-kwistjoni ta' prezzijiet ta' prodotti li jissodisfaw il-ħtiġijiet proposti kollha — kwistjoni li tqajmet fir-rapport tal-grupp ta' livell għoli, bla dubju kien jagħmilha possibbli li dawn il-kwistjonijiet jinġabru flimkien iżda żgur li kien jixħet dawl ukoll fuq il-bżonn li ssir għażla. Bl-istess mod, il-grupp ta' livell għoli wera ħerqa li l-konklużjonijiet tiegħu jkunu sostnuti bi “pjan ta' direzzjoni” għal dawk li jfasslu l-politika pubblika. Dan id-dokument irrifletta tajjeb l-approċċ integrat li l-Kummissjoni kienet xtaqet li l-inizjattiva CARS 21 tippromovi. Il-KESE ma jistax ħlief juri dispjaċir għall-fatt li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ma kenitx ipproponiet, imqar permezz ta' emenda, pjan ta' direzzjoi ta' dan it-tip.

1.7

In ġenerali, il-grupp ta' livell għoli bbaża ħafna mill-analiżi tiegħu fuq il-fehmiet tal-fabbrikanti tal-karozzi. Għaldaqstant, ħafna mill-kwistjonijiet imqajma huma dwar prodotti u teknoloġiji. Il-KESE jenfasizza li kieku dal-grupp kien aktar sensittiv għall-interessi ta' l-utenti tal-karozzi, l-istess eżerċizzju kien jipproduċi riżultat differenti. Għalhekk, fil-ġejjieni, għandu jkun possibbli li l-lista tal-partijiet interessati tkun riveduta, malli l-kwistjonijiet ikkonċernati jkunu vvalutati u saħansitra vvalutati mill-ġdid.

1.8

Approċċ integrat jew olistiku jġib miegħu r-riskju li kull waħda mill-partijiet interessati tista' targumenta li hija n-naħa l-oħra li għandha bżonn tinbidel. Per eżempju, fir-rigward tas-sikurezza fit-toroq u l-ambjent, l-atturi industrijali jistgħu jqisu li l-impenji tagħhom, partikolarment mil-lat teknoloġiku, qegħdin, sa ċertu punt, jiġu mfixkla mill-imġiba ta' l-operaturi ta' l-infrastruttura jew il-konsumaturi.

1.9

Meta nagħtu qies ta' dawn il-fatturi kollha, jidher ċar li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ma teżawrix il-kwistjoni tal-poltika pubblika fil-qasam tal-karozzi u l-għażliet li jeħtieġ li jsiru f'dan ir-rigward. Il-KESE jħoss li d-dibattitu pubbliku dwar il-politika tal-karozzi għandu jinżamm ħaj u għandu jkun miftuħ għall-imsieħba soċjali kollha u, b'mod aktar wiesa', għall-partijiet interessati involuti, u jeħtieġ li jindika liema għażliet għandhom isiru u f'liema perijodu partikolari. Din it-tip ta' strateġija hija aħjar minn oħra fejn lista unika tiġi adottata darba għal dejjem, li tiġbor fiha l-modi kollha possibbli ta' aġir għall-futur, u li jitħalla f'idejn l-esperti u l-atturi industrijali sabiex jiddeċiedu bejniethom liema waħda mill-modi għandha tkun segwita.

1.10

Il-Kummissjoni tikkonkludi l-Komunikazzjoni tagħha billi tistqarr li: “teżisti opportunità unika biex tiġi żviluppata kultura distinta ta' elaborazzjoni ta' politiki f'dak li jirrigwarda l-politika industrijali. Il-Kummissjoni temmen li prinċipji bħalma huma l-kwalità tal-leġiżlazzjoni, is-seimplifikazzjoni, il-valutazzjoni ta' l-impatt, il-konsultazzjonijiet tal-partijiet interessati, id-dewmien għat-twettiq u l-għażla ta' l-istrumenti għandhom ikunu fil-qalba ta' l-elaborazzjoni tal-proposti leġiżlattivi.”

Il-KESE jappoġġja dan l-approċċ u jittama li din l-Opinjoni tgħin lill-Kummissjoni timplimentaha bis-sħiħ.

Għaldaqstant, il-KESE jirrakkomanda li:

l-atturi industrijali jingħataw iż-żmien sabiex jiżviluppaw bis-sħiħ it-teknoloġiji li huma meħtieġa sabiex jiġu ssodisfati esiġenzi aktar stretti mingħajr ma dan jirriżulta f'żieda sinifikanti fil-prezz tal-prodott u, finalment, fid-dewmien fit-tiġdid tal-flotta tal-karozzi;

il-kwistjonijiet ambjentali m'għandhomx ikunu ristretti għall-kwistjoni tas-CO2 u l-interess m'għandux jiffoka biss fuq soluzzjonijiet teknoloġiċi iżda għandu jinkorpora approċċ aktar olistiku li jqis il-post tal-karozzi u t-trasport bit-triq fis-soċjetajiet Ewropej;

il-forum dwar ir-ristrutturazzjoni, ir-reviżjoni ppjanata għall-2009 u l-valutazzjonijiet ta' l-impatt li fuqhom għandha tiġi msejsa għandhom jiġu organizzati fil-qafas ta' l-approċċ integrat promoss fl-inizjattiva CARS 21, ħalli b'hekk tissaħħaħ il-kredibbiltà ta' l-approċċ kemm mis-sors (upstream), ie fl-għażla tal-partijiet interessati u kemm fil-fażi li hija msejsa fuq dan l-approċċ oriġinali (downstream), ie meta jiġu integrati r-rakkomandazzjonijiet li joħorġu mill-gruppi ta' ħidma);

il-KESE jkun involut aktar direttament u f'fażi aktar bikrija minħabba li huwa għandu preċiżament il-kompitu li jinvolvi d-diversi komponenti tas-soċjetà Ewropea fil-politiki relevanti li jitfasslu mill-Kummissjoni.

2.   Il-proposta tal-Kummissjoni

2.1   L-approċċ tal-Kummissjoni: CARS 21, hija inizjattiva oriġinali u eżemplari

2.1.1

Bi qbil mal-politika tagħha li ttejjeb il-kwalità tal-leġislazzjoni u li tiffaċċja l-isfidi ta' kompetizzjoni mondjali li tkun aktar ġeneralizzata, il-Kummissjoni talbet lill-grupp ta' livell għoli CARS 21, li laqqa' l-partijiet ikkonċernati ewlenin (l-Istati Membri, l-industrija, l-NGOs u l-membri tal-Parlament Ewropew), kif ukoll it-tliet kummissarji prinċipali li jkopru dan il-qasam (l-intrapriża u l-industrija, l-ambjent, u t-trasport) sabiex jagħtu pariri dwar politiki għall-ġejjieni.

2.1.2

B'mod aktar speċifiku, il-grupp ta' livell għoli li twaqqaf dak iż-żmien, ingħatalu dan il-kompitu: li jagħmel rakkomandazzjonijiet għall-politiki pubbliċi u l-qafas regolatorju għall-industrija Ewropea tal-karozzi għal perijodu qasir, medju u fit-tul li jsaħħu l-kompetittività globali, li jippreservaw l-impjiegi filwaqt li jassiguraw li jsir aktar progress fir-rigward tal-prestazzjoni dwar is-sikurezza u l-ambjent bi prezzijiet li l-konsumatur ikun jista' jiflaħ għalihom.

2.1.3

Għalhekk l-intenzjoni tal-Kummissjoni kienet li tuża s-settur tal-karozzi bħala xempju ta' l-approċċ modern tagħha għall-politika industrijali billi tinkorpora espliċitament kwalunkwe miżura f'dan il-qasam fil-qafas ta' l-istrateġija ta' Lisbona. Sabiex jiġi assigurat li s-setturi tal-produzzjoni jiżviluppaw b'mod li jkun sostenibbli u ekonomikament vijabbli, soċjalment responsabbli u li jħares l-ambjent, il-Kummissjoni tixtieq li kull azzjoni li tieħu tkun preċeduta minn proċess konsultattiv wiesa' fost il-partijiet interessati kollha sabiex tixħet dawl fuq il-preżent u l-ġejjieni u sabiex tidentifika kunsens wiesa' ta' x'jeħtieġ li jsir. F'dan il-każ, il-partijiet interessati li jkun rappreżentati fil-grupp ta' livell għoli inkludew lill-fabbrikanti tal-karozzi, il-produtturi taż-żejt (mhux raffinat), il-fornituri, id-distributuri u s-sewwejja tal-karozzi, l-utenti tal-karozzi, l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali u t-tliet direttorati ġenerali tal-Kummissjoni li huma involuti (l-ambjent, it-trasport u l-enerġija, u l-intrapriża u l-industrija). Id-DĠ ta' l-intrapriża u l-industrija kien inkarigat mill-koordinazzjoni tal-ħidma li saret tul l-2005. Gie organizzat smigħ pubbliku f'April 2005. Ir-rapport kien adottat mill-grupp ta' ħidma f'Diċembru 2005. Il-konklużjonijiet tiegħu kienu ġew preżentati għal konsultazzjoni pubblika wiesa' fl-2006. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni hija bbażata kemm fuq ir-rapport CARS 21 u kemm fuq l-34 kontribuzzjoni rċevuti fl-2006.

2.1.4

Ir-rapport CARS 21 jirrappreżenta sforz ta' min ifaħħru min-naħa tal-Kummissjoni sabiex jiġu evitati inizjattivi regolatorji eċċessivi li ma jkunux koordinati u xi kultant saħansitra mhux konsistenti.

2.1.5

Sabiex dan iseħħ, kif jistqarr ir-rapport kemm-il darba, il-grupp ta' ħidma qiegħed juża approċċ li huwa jsemmi bħala olistiku bil-għan li jistabbilixxi kif id-diversi dimensjonijiet jinteraġixxu bejniethom. Għalhekk, il-membri tal-grupp ta' livell għoli jixtiequ jaraw regoli aktar leġibbli u previdibbli u jieħdu passi sabiex jassiguraw li d-diversi DĠ tal-Kummissjoni ma jeħdux miżuri li ftit li xejn ikunu jafu dwar l-impatt tagħhom u li l-kompatibilità tagħhom ma tkunx ikkontrollata.

2.1.6

Fir-rapport finali, il-grupp ta' ħidma elenka 18-il rakkomandazzjoni miġbura f'seba' kapitoli: regolamentazzjoni aħjar; l-ambjent; is-sikurezza fit-toroq; il-kummerċ; ir-riċerka u l-iżvilupp; it-tassazzjoni u l-inċentivi fiskali; u l-proprjetà intellettwali. Fil-konklużjoni tiegħu, ippropona wkoll “pjan ta' direzzjoni” għal dawk li jfasslu l-politiki pubbliċi u leġislaturi li jolqot l-industrija tal-karozzi matul l-għaxar snin li ġejjin. Bi qbil sħiħ ma' l-objettivi elenkati mill-Kummissjoni, l-iskop tal-pjan ta' direzzjoni kien li l-politika Ewropea tal-karozzi tingħata l-koerenza u l-previdibilità li l-investituri privati għandhom bżonn sabiex jassiguraw il-kompetittività tas-settur: billi jiġi intraċċat il-passaġġ regolatorju li għandu jiġi segwit fis-snin li ġejjin, il-pjan ta' direzzjoni kien maħsub li jipprovdi preċiżament dik il-previdibilità.

2.1.7

Il-komunikazzjoni hija t-tweġiba tal-Kummissjoni għar-rapport preżentat mill-grupp CARS 21. Din tikkostitwixxi valutazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni u r-reazzjonijiet għar-rapport CARS 21 espressi matul l-eżerċizzju konsultattiv ta' l-2006. Huwa jindika d-direzzjoni li fiha l-Kummissjoni beħsiebha tidderieġi l-politika tal-karozzi tal-ġejjieni. Il-linji ta' azzjoni prinċipali huma dawn:

Tnaqqis tal-piż amministrattiv: Il-Kummissjoni ser tipproponi li t-38 direttiva Komunitarja jiġu mibdula bir-regolamenti internazzjonali tal-UN/ECE (1)per eżempju, fir-rigward ta' tajers, ħġieġ tas-sigurtà, fanali taċ-ċpar u ċintorini tas-sigurtà. B'dan il-mod, l-industrija tkun tista' tiddependi fuq test wieħed li jkun validu madwar id-dinja kollha. Barraminhekk, ser jiġu introdotti proċeduri ta' awto-ttestjar u testjar virtwali għall-25 direttiva Komunitarja u r-regolamenti tal-UN/ECE sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż marbutin mal-konformità u sabiex il-proċeduri amministrattivi jieħdu anqas żmien u jiġu jqumu inqas.

Tnaqqis ta' l-emissjonijiet tas-CO2: L-istrateġija tal-Kummissjoni hija msejsa fuq approċċ integrat li jinkludi mhux biss it-teknoloġija tal-magni, iżda wkoll titjib teknoloġiku (eż. li jiġu stabbiliti r-rekwiżiti minimi ta' effiċjenza għas-sistemi ta' l-arja kkondizzjonata, li jiġu stabbiliti l-limiti minimi tar-reżistenza tat-tidwir tat-tajers u l-użu ta' l-indikaturi tal-gear shift) kif ukoll żieda fl-użu tal-bijokarburanti. L-istrateġija tiffoka wkoll fuq l-isforzi addizzjonali ta' l-Istati Membri, fir-rigward ta' per eżempju, il-ġestjoni tat-traffiku, titjib fl-imġiba tas-sewwieqa u l-infrastruttura kif ukoll aktar tnaqqis ta' l-emissjonijiet tas-CO2.

Sikurezza fit-toroq: Il-Kummissjoni temmen li strateġija effettiva dwar is-sikurezza fit-toroq għandha tkun imsejsa fuq taħlita ta' titjib fit-teknoloġija tal-vetturi, infrastruttura tat-toroq, l-imġiba tas-sewwieqa u l-infurzar. Qegħdin jiġu proposti 11-il miżura ġdida b'kollox, inklużi per eżempju l-inklużjoni obbligatorja ta' Kontroll Elettroniku ta' l-Istabbilità, l-arranġamenti għal twissijiet dwar l-użu taċ-ċintorini tas-sigurtà u l-użu obbligatorju ta' dwal mixgħula bi nhar għall-vetturi l-ġodda.

Politika kummerċjali: Il-Komunikazzjoni tipproponi li tivvaluta l-potenzjal ta' l-użu ta' ftehim kummerċjali bilaterali (partikolarment fl-Ażja) bil-għan li jitjieb l-aċċess għas-swieq u jisħaq fuq il-ħtieġa li d-drittijiet ta' proprjetà intellettwali jiġu applikati fid-dinja kollha.

Riċerka u żvilupp: karburanti rinnovabbli u vetturi li ma jniġġsux u vetturi u toroq intelliġenti ġew identifikati bħala prijoritajiet essenzjali. Bi kważi EUR 20 biljun, madwar 5 % tad-dħul ta' l-industrija, investiti fir-riċerka u l-iżvilupp tal-prodotti, l-industrija tal-karozzi hija, f'ċifri assoluti, l-akbar investitur industrijali Ewropew fil-qasam tar-Riċerka u l-Iżvilupp.

3.   Osservazzjonijiet tal-Kumitat

Qabel ma niġu lura għall-metodu u l-merti u għal-limiti ta' din l-istrateġija ġdida fir-rigward tal-kwistjoni tal-politika tal-karozzi u l-politiki settorjali in ġenerali, din l-Opinjoni tirreferi għall-ħames oqsma ewlenija u l-proposti li l-Kummissjoni elenkat għal kull wieħed u waħda minnhom.

3.1   Is-suq intern, is-semplifikazzjoni u l-internalizzazzjoni ta' l-ambjent regolatorju

3.1.1

Il-KESE jappoġġja l-proposta li d-direttiva ta' qafas għall-approvazzjoni tal-vetturi bil-magni tiġi estiża għall-kategoriji kollha tal-vetturi. B'mod partikolari jenfasizza l-mertu ta' din id-dispożiżżjoni fir-rigward ta' l-immarkar tal-partijiet ta' rikambju.

3.1.2

Il-KESE jappoġġja l-pjan li l-ambjent regolatorju jkun issemplifikat u internazzjonalizzat, iżda jixtieq ukoll li jevita li l-armonizzazzjoni ssir prijorità assoluta li tieħu preċedenza fuq il-kunsiderazzjonijiet l-oħra kollha.

3.1.3

Għalhekk, filwaqt li jaqbel mal-Kummissjoni li, mil-lat ta' prinċipji, l-impenji multilaterali jistħoqqilhom prijorità, jappoġġja wkoll bis-sħiħ lill-Kummissjoni meta tistqarr li “hi konxja tal-ħtieġa li żżomm il-possibbiltà għall-UE li tilleġiżla b'mod indipendenti mis-sistema tal-UN/ECE fejn dan meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet ta' l-UE f'termini ta' saħħa, ambjent jew għanijiet ta' politiki oħra”. Meta wieħed iqis li dawn id-dispożizzjonijiet huma potenzjalment kruċjali fir-rigward ta' kummerċ internazzjonali u aċċess għas-swieq, huwa kruċjali li din tinżamm, sabiex jiġi assigurat li l-industrija Ewropea jkollha l-mezzi sabiex tirreaġixxi għad-dispożizzjonijiet f'reġjuni oħra tad-dinja, li jistgħu jostakolaw il-kompetittività tagħha.

3.2   Trasport bit-triq li huwa ambjentalment sostenibbli

3.2.1

Il-KESE jilqa' l-kwalità tal-miżuri li ttieħdu jew li ġew ippjanati sabiex it-trasport bit-triq ikun ambjentalment sostenibbli. Hija u ssegwi l-impenji li ħadet il-Kummissjoni, li tenfasizza l-intenzjoni tagħha li tanalizza bir-reqqa l-impatti ta' attività ġejjiena regolatorja fuq l-impjiegi u s-sigurtà, il-KESE beħsiebha tiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li l-industrija għandha bżonn iż-żmien li tiżviluppa it-teknoloġiji meħtieġa sabiex tkun tista' tissodisfa esiġenżi aktar stretti, mingħajr ma dan jissarraf f'żidiet sinifikanti fil-prezzijiet tal-prodotti u, fl-aħħar mill-aħħar, fit-tnaqqis fir-rata tat-tiġdid tal-flotot. Din il-kwistjoni, li l-importanza tagħha kienet enfasizzata fir-rapport CARS 21, tidher li kienet pjuttost mogħtija l-ġenb fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni.

3.2.2

Bl-istess mod, il-KESE jinnota b'interess li l-Kummissjoni beħsiebha tagħti aktar attenzjoni fil-ġejjieni lill-emissjonijiet ta' veru (paragrafu 8) u jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma tikkunsidrax l-implikazzjonijiet ta' dan l-iżvilupp fir-rigward ta' kontroll, manutenzjoni u tiswija tal-vetturi.

3.2.3

Il-KESE jenfasizza li l-approċċ integrat li tiddefendi l-Kummissjoni bażikament jissarraf f'enfasi fuq l-emissjonijiet niġġiesa u b'mod partikolari l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi ġodda mibjugħa fl-Ewropa fis-snin li ġejjin. Il-Kummissjoni filfatt tiffoka biss fuq is-soluzzjonijiet teknoloġiċi (bijokarburanti, idroġenu, vetturi Intelliġenti u sistemi ta' trasport intelliġenti) jew ekonomiċi (inklużjoni potenzjali tas-settur tat-trasport bit-triq) li beħsiebha tippromovi. Il-Kumitat jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma tagħtix attenzjoni biżżejjed sabiex tanalizza l-potenzjal ta' approċċ olistiku li jinvestiga b'aktar reqqa l-pożizzjoni tal-karozza u t-trasport bit-triq fis-soċjetajiet Ewropej.

3.2.4

F'dan ir-rigward, il-KESE jenfasizza li r-rapport CARS 21 espliċitament jindirizza l-kwistjoni tal-ħeffa li biha l-flotot jiġu mġedda, u li wera kemm kien fattur ewlieni. Huwa saħaq ukoll fuq l-importanza tal-konġestjoni tat-traffiku. Il-Kumitat jixtieq li dawn il-mezzi li permezz tagħhom ikunu promossi vetturi li jirrispettaw aktar l-ambjent, u kwistjonijiet oħra, bħall-promozzjoni ta' forom ġodda ta' aċċess għall-vetturi, jingħataw l-istess qies, fil-ġejjieni bħalma jiġri fil-każ tas-soluzzjonijiet tekniċi.

3.2.5

Il-KESE jixtieq jenfasizza li l-offerta u d-domanda għal vetturi li jkunu aktar nodfa għandhom jiġu stimulati. Il-Kummissjoni għandha tħabrek sabiex tiżviluppa inċentivi fiskali koordinati, teknikament newtrali u armonizzati li kemm jista' jkun jiffavorixxu ċerti vetturi u karburanti, per eżempju għall-volum ta' emissjonijiet tas-CO2 li jikkontribwixxi lejn it-tnaqqis tas-CO2 mill-vetturi permezz ta' l-influwenza diretta fuq il-konsumaturi u d-domanda tagħhom.

3.3   Insaħħu s-sikurezza fit-toroq Ewropej

3.3.1

Il-Kumitat jappoġġja l-approċċ komprensiv għall-kwistjonijiet ta' sikurezza fit-toroq li tiddefendi l-Kummissjoni, li huwa bbażat fuq “l-interazzjoni bejn it-titjib fit-teknoloġija tal-vetturi, l-infrastruttura tat-toroq, l-imġiba tas-sewwieqa u l-inforzar”.

3.3.2

L-istess kwistjonijiet li tqajmu dwar il-kwistjoni ta' l-ambjent japplikaw hawnhekk ukoll. Għaldaqstant, wieħed mit-termini ewlenija fir-rapport CARS 21, li ppermetta li jintwera li xi kultant kien hemm bżonn li jsiru kompromessi, bi ħsara għall-aspetti ambjentali jew ta' sikurezza tal-prestazzjoni tal-vetturi, kien it-terminu “at a price affordable to the consumer” (bi prezz li jista' jaffordja l-konsumatur). Dan it-terminu m'huwiex riprodott fil-Komunikazzjoni.

3.3.3

Għaldaqstant, fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, il-lista ta' proposti fil-qasam tas-sikurezza fit-toroq hija din (2):

“l-inklużjoni tas-sistemi għat-trażżin tat-tfal Isofix isiru obbligatorji għall-vetturi ġodda M1 kollha;

l-użu tad-dwal mixgħula bi nhar isir obbligatorju (konsultazzjoni pubblika kienet imnedija dwar dan is-suġġett fl-1 ta' Awissu 2006);

l-inklużjoni tal-Kontroll Elettroniku ta' l-Istabilità ssir mandatorja l-ewwel għall-vetturi tqal u mbagħad għall-karozzi tal-passiġġieri u għall-vetturi ħfief malli metodu ta' ttestjar jiġi żviluppat;

il-fakkara taċ-ċintorini tas-sikurezza jsiru mandatorji għall-vetturi l-ġodda kollha;

il-fażi II tar-rekwiżiti tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni ta' Pedestrians tiġi emendata sabiex jittejbu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/102/KE (3)”.

3.3.4

Bil-għan li jiġi żgurat li dawn il-proposti jiġġeneraw żidiet raġonevoli fil-prezz tal-vetturi l-ġodda, il-KESE huwa favur strateġija li tiffoka b'mod aktar ċar fuq il-prezzijiet tal-vetturi u l-impatt tagħhom fuq ir-rata tat-tiġdid tal-flotta u — għaldaqstant — is-sikurezza fit-toroq. Huwa jiġbed l-attenzjoni dwar id-dewmien fit-tieni stadju tad-direttiva proposta fir-rigward tal-protezzjoni għal min ikun bil-mixi (pedestrians), li jwassal għal nuqqas ta' ħin li huwa meħtieġ għall-implimentazzjoni mill-fabbrikanti u dan jikkomplika l-pjanijiet tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-KESE jenfasizza li hemm bżonn ta' kjarifika rapida ta' l-iskeda għall-implimentazzjoni tad-Direttiva u d-dettalji tal-ħtiġijiet li magħhom iridu jikkonformaw il-fabbrikanti. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra li s-sikurezza fit-toroq tfisser ukoll li l-vetturi li qegħdin jiċċirkolaw għandhom jibqgħu jintużaw mill-konsumaturi saħansitra meta dawn jeqdiemu. Il-Kumitat huwa favur li l-miżuri ppjanati jiġu klassifikati skond ir-relazzjoni ta' prezz/benefiċċju ta' kull waħda minnhom, meta l-ispiża ta' dawn għall-utent titkejjel kontra l-impatt li dawn jista' jkollhom fuq in-numru ta' inċidenti u l-probabbiltà ta' mewt jew korriment lill-utenti tat-triq. Għall-istess għan, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tħares lil hinn mit-teknoloġiji li ġew introdotti u tintegra, b'mod aktar espliċitu, il-mezzi kollha li jistgħu jinfluwenzaw l-imġiba ta' l-utenti tat-triq (edukazzjoni, prevenzjoni, sinjalazzjoni...). Għaldaqstant, il-KESE jenfasizza l-bżonn li fil-ġejjieni għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-konsegwenzi li l-iżviluppi demografiċi ser ikollhom fuq dawn il-kwistjonijiet u għall-fatt li s-sewwieqa anzjani jew saħansitra anzjani ħafna kull ma jmur qegħdin jagħmlu użu akbar mill-karozzi u t-toroq.

3.3.5

Għall-istess għan u skond il-pożizzjoni adottata fir-rapport CARS 21, il-KESE tenfasizza l-importanza ta' l-inċentivi tat-taxxa li huma mmirati sabiex jippromovu d-domanda għal karozzi li jkunu aktar sikuri. L-offerta u d-domanda għal vetturi li jkunu aktar sikuri għandha tiġi stimulata.

3.4   Kummerċ u swieq barranin

Il-KESE jappoġġja l-approċċ għal kwistjonijiet dwar kummerċ internazzjonali żviluppat mill-Kummissjoni u partikolarment l-attenzjoni li tagħti lill-ftehim bilaterali internazzjonali, ostakoli non-tariffarji u l-kwistjoni ta' drittijiet ta' proprjetà intellettwali, partikolarment fl-Ażja. Fl-għażla tal-pajjiżi li magħhom għandhom jiġu konklużi l-ftehimiet ta' l-iskambju ħieles, għandha tingħata iktar attenzjoni lill-kriterji ekonomiċi, speċjalment id-daqs tas-suq potenzjali u l-prospetti li joffri, l-approċċ għat-tneħħija reċiproka ta' l-ostakoli għall-kummerċ, eċċ. Minbarra l-kwistjonijiet relatati ma' l-upstream, il-KESE jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-ħtieġa li s-suq tal-partijiet ta' rikambju jiġi integrat b'mod aktar espliċitu, kemm sabiex il-mod ta' kif dan ikun immaniġġjat fid-diversi pajjiżi Ewropej ikun armonizzat u kemm sabiex tinħoloq strateġija fir-rigward taċ-Ċina, l-Indja jew ir-Russja.

3.5   Riċerka u żvilupp

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ is-sostenn li l-Kummissjoni tagħti lill-R&D u l-fatt li hija konvinta li t-tliet pilastri ta' l-iżvilupp sostenibbli jibqgħu marbutin flimkien biss jekk l-isforzi tas-setturi privati u pubbliċi fil-qasam tar-riċerka jinżammu u jissaħħu. Madankollu, fl-istess spirtu ta' dak li nstqarr f'punt 3.4, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li s-settur kollu kemm hu, inklużi l-operazzjonijiet ta' wara l-produzzjoni, jiġi integerat f'dawn l-isforzi. Għalhekk, il-kwistjonijiet ta' l-ispiża tal-progress teknoloġiku, il-fatt ta' kemm il-prodotti li jibbenifikaw minn dan jistgħu jissewwew u t-taħriġ meħtieġ sabiex it-tiswija u l-infrastrutturi jkunu adattati għandhom jitqajmu fi stadju bikri u l-Kummissjoni għandha tkun proattiva sabiex tassigura li dan iseħħ. Il-Kummissjoni għandha tiffoka parti adattata tas-seba' programm ta' qafas għal attivitajiet oħrajn f'approċċ integrat għas-sigurtà fit-triq inkluża l-infrastruttura, per eżempju s-sistemi tal-komunikazzjoni elettronika u oħrajn.

3.6   Tassazzjoni u inċentivi fiskali

Il-KESE jappoġġja lill-Kummissjoni li “tħeġġeġ lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jadottaw id-direttiva proposta  (4) malajr kemm jista' jkun”. Ġaladarba l-Parlament jadotta din il-proposta għal direttiva, li tinkuraġġixxi l-armonizzazzjoni fiskali, jeħtieġ li l-Kunsill jiġi konvint li jkun għaqli li ssir konverġenza tad-dispożizzjonijiet li attwalment joħolqu distorsjonijiet bejn is-swieq tal-vetturi u tas-servizzi tal-karozzi fi ħdan l-UE.

3.7   Is-suq tal-partijiet ta' rikambju

Il-KESE, filwaqt li jiddispjaċih li l-kwistjonijiet ma ngħatawx aktar attenzjoni fl-analiżi tal-Kummissjoni, jappoġġja d-difiża tar-Regolament (KE) Nru 1400/2002 (5) u l-intenzjoni tagħha li tassigura li jiġi applikat b'mod omoġenju fl-UE kollha. Il-KESE jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni beħsiebha tappoġġja dispożizzjonijiet li ser jassiguraw li t-tagħrif teknoloġiku ikun aċċessibbli liberament. Il-KESE jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza li tingħata aktar attenzjoni lill-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet li timponi l-adozzjoni tal-format OASIS.

3.8   Il-metodu CARS 21 u l-applikazzjoni tiegħu mill-Kummissjoni

3.8.1

Il-Kumitat bi pjaċir jinnota li “f'perspettiva ta' regolamentazzjoni aħjar” il-Kummissjoni Ewropea “għandha l-għan li tippromwovi interazzjoni koerenti bejn id-diversi oqsma tal-politika, li tipprovdi previdibilità u li tfittex il-protezzjoni ta' l-interessi pubbliċi (eż. l-ambjent u s-sikurezza) filwaqt li tipprova tnaqqas il-piż regolatorju minn fuq l-industrija.” Il-Kumitat jilqa' x-xewqa li jiġi adottat approċċ olistiku u li jkunu integrati wkoll id-diversi fatturi involuti fl-iżvilupp u l-kompetittività ta' l-industrija u tal-partijiet interessati kkonċernati.

3.8.2

Fir-rigward ta' l-aspetti soċjali u industrijali kif indirizzati fl-ewwel paġni tar-rapport, il-KESE jħoss, bħall-Kummissjoni, li t-tnejn li huma għandhom ikun kkollegati peress li l-impjieg huwa marbut direttament mal-kompetittività ta' l-industrija Ewropea tal-karozzi kemm kollha kemm hi kif ukoll fid-diversi siti. Minn din il-perspettiva, il-KESE ġeneralment jaqbel ma' l-analiżi tas-sitwazzjoni ta' l-industrija Ewropea tal-karozzi.

3.8.3

Jinnota bi pjaċir li l-Kummissjoni tqis li “jidher probabbli li l-immuntar tal-vetturi għas-suq Ewropew fil-biċċa l-kbira se jitwettaq fl-Ewropa” filwaqt li jaqbel mal-Kummissjoni li dan mhux bilfors isarraf fi stabilità ta' l-impjieg.

3.8.4

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tidderieġi d-djalogu bejn l-imsieħba soċjali ħalli ċ-ċaqliq tar-rilokazzjonijiet ta' l-impjieg fi ħdan l-UE u lil hinn minnha, kif deskritt fir-rapport CARS 21, ikun jista' jiġi antiċipat u ġestit. Għal dan il-għan, iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tqajjem dibattitu dwar kif l-iżvilupp ta' dan il-qasam jaffettwa s-sottokuntratturi li jaqgħu fit-tieni livell jew anke wieħed aktar inferjuri, peress li dawn l-aktar li jiddgħajfu bl-iżvilupp li jkun għaddej.

3.8.5

Għall-istess għan, il-KESE jagħti l-appoġġ sħiħ tagħha għall-miżuri ta' sostenn ippjanati fil-komunikazzjoni kif ukoll lill-idea li jkun organizzat forum ta' ristrutturazzjoni dwar l-industrija tal-karozzi sabiex “tindirizza l-isfidi u tantiċipa u tadatta aħjar għall-bidla.” Il-KESE tħeġġeġ lill-Kummissjoni taħtaf din l-opportunità sabiex tassigura li s-settur tal-karozzi sħiħ, u partikolarment l-atturi involuti fix-xogħol ta' wara l-produzzjoni, jiġi kkunsidrat f'din il-ħidma u inkluż fil-miżuri ta' sostenn. Dawn t-tipi ta' inizjattivi jaqblu ma' l-approċċ li jinżammu diskussjonijiet u valutazzjonijiet strateġiċi konġunti fi ħdan is-settur, li huma meħtieġa mid-diversi atturi involuti. Il-KESE jenfasizza li għandu rwol kruċjali x'jaqdi f'dan ix-xoghol u d-diskussjonijiet, partikolarment sabiex jassigura li l-imsieħba soċjali kollha, u l-partijiet interessati b'mod aktar ġenerali, ikunu rappreżentati b'mod aktar ċar.

3.8.6

Per eżempju, il-bżonnijiet ta' taħriġ huma ta' spiss akbar u anqas issodisfati fl-SMEs jew intrapriżi żgħar ħafna u dawn l-atturi fi ħdan l-industrija tal-karozzi għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-Fondi Strutturali u strumenti ta' appoġġ għar-ristrutturazzjonijiet.

3.8.7

Il-Kummissjoni tagħlaq il-Komunikazzjoni tagħha billi tistqarr li:

teżisti opportunità unika biex tiġi żviluppata kultura distinta ta' elaborazzjoni ta' politiki f'dak li jirrigwarda l-politika industrijali . Il-Kummissjoni temmen li prinċipji bħalma huma l-kwalità tal-leġiżlazzjoni, is-simplifikazzjoni, il-valutazzjoni ta' l-impatt, il-konsultazzjonijiet tal-partijiet interessati, id-dewmien għat-twettiq u l-għażla ta' l-istrumenti għandhom ikunu fil-qalba ta' l-elaborazzjoni tal-proposti leġiżlattivi.”

3.8.8

Il-KESE jappoġġja dan l-approċċ u jittama li din l-Opinjoni tgħin lill-Kummissjoni timplimentaha bis-sħiħ. Għalhekk jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-fatt li xi kultant l-analiżi preżentata fil-Komunikazzjoni ma tkunx kompluta. B'mod aktar speċifiku, saħansitra li ma kinux minsija, l-analiżi żviluppata fir-rapport CARS 21 u l-konklużjonijiet li l-Kummissjoni ġibdet minnhom jidhru karatterizzati minn sottorappreżentazzjoni tal-konsumaturi u l-atturi involuti fix-xogħol ta' wara l-produzzjoni fid-dibattitu. B'riżultat ta' dan, fil-fehma tal-KESE jidher li l-karozza b'mod ġenerali u l-aspetti ambjentali u ta' sikurezza b'mod partikolari, m'humiex trattati b'mod li huwa suffiċjentement olistiku: dan jirrifletti industrija li hija msejsa wisq fuq il-prodott u t-teknoloġiji u ma tintegrax il-kwistjoni tal-flotot u l-użijiet tal-karozza.

3.8.9

Għaldaqstant, il-KESE jqis li l-evalwazzjoni li għandha ssir fl-2009 għandha tikkunsidra din l-opinjoni u tintegra l-fehmiet ta' l-atturi involuti fix-xogħol ta' wara l-produzzjoni b'mod aktar effettiv minn qabel. Sabiex dan iseħħ, “il-konsultazzjoni tal-partijiet interessati” trid tibqa' miftuħa u trid tkun organizzata aħjar, sabiex jiġi assigurat li s-sistema ta' karozzi li qiegħda tiġi kkunsidrata ma tkunx biss dik tas-settur tal-kostruzzjoni ta' l-industrija u li l-“analiżi ta' impatt” ikunu jistgħu jitqiesu f'kuntest ġdid. Jenħtieġ li titjieb il-kwalità tal-valutazzjonijiet ta' l-impatt. Dawn għandhom ikunu oġġettivi u newtrali u jsegwu approċċ kumpless, bażat fuq data fattwali u verifikata. M'huwiex xieraq li s-servizz tal-Kummissjoni li jkun inkarigat li joħroġ opinjoni politika dwar kwalunkwe kwistjoni, jagħmel hu stess l-analiżi ta' impatt dwar din il-kwistjoni speċifika. Il-KESE japprova l-proposta għall-ħolqien ta' bord għall-analiżi ta' impatt u jsejjaħ lill-Kummissjoni sabiex tlaqqa' dawk il-partijiet interessati li dlonk jintesew mill-periti privati tas-sistema tal-karozzi li għandha tiġi regolata.

Brussell, is-26 ta' Settembru 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti.

(2)  COM(2007) 22 finali, p. 15.

(3)  Direttiva 2003/102/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2003 dwar il-protezzjoni ta' pedestrians u utenti vulnerabbli oħra tat-triq qabel u fil-każ ta' xi ħabta ma' vettura bil-mutur, u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE tal-Kunsill (ĠU L 321 tas-6.12.2003, p. 15); Opinjoni tal-KESE: ĠU C 324, 30.9.2003, p. 10.

(4)  Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar taxxi relatati mal-karozzi tal-passiġġieri (COM(2005) 261 finali); Opinjoni tal-KESE: ĠU C 195, 18.8.2006, p. 80.

(5)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1400/2002 tal-31 ta' Lulju 2002 dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81(3) tat-Trattat fuq kategoriji ta' ftehim vertikali u prattiċi miftiehma fis-settur tal-vetturi bil-mutur (ĠU L 203, 1.8.2002, p. 30).


15.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 10/21


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar strutturi ta' protezzjoni kontra l-qlib ta' tratturi bir-roti għall-agrikoltura jew għall-foresterija (Verżjoni kkodifikata)”

COM(2007) 310 finali — 2007/0107 (COD)

(2008/C 10/05)

Nhar it-2 ta' Lulju 2007, il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea ddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar strutturi ta' protezzjoni kontra l-qlib ta' tratturi bir-roti għall-agrikoltura jew għall-foresterija (Verżjoni kkodifikata).

Wara li kkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kollu sodisfaċenti u jħoss li m'hemm bżonn ta' l-ebda kummenti min-naħa tiegħu, il-Kumitat, matul l-438 sessjoni plenarja tiegħu tas-26 u tas-27 ta' Settembru 2007 (seduta tas-26 ta' Settembru), iddeċieda b'172 vot favur u 4 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

 

Brussell, is-26 ta' Settembru 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


15.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 10/21


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mekkaniżmu tat-tqabbid u tat-treġġigħ lura ta' tratturi bir-roti għall-agrikoltura jew għall-foresterija (Verżjoni kkodifikata)”

COM(2007) 319 finali — 2007/0117 (COD)

(2008/C 10/06)

Nhar it-2 ta' Lulju 2007, il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea ddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta ta' Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mekkaniżmu tat-tqabbid u tat-treġġigħ lura ta' tratturi bir-roti għall-agrikoltura jew għall-foresterija (Verżjoni kkodifikata).

Wara li kkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kollu sodisfaċenti u jħoss li m'hemm bżonn ta' l-ebda kummenti min-naħa tiegħu, il-Kumitat, matul l-438 sessjoni plenarja tiegħu tas-26 u tas-27 ta' Settembru 2007 (seduta tas-26 ta' Settembru), iddeċieda b'163 vot favur, vot kontra u 5 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

 

Brussell, is-26 ta' Settembru 2007

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


15.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 10/22


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-pjanċi u l-iskrizzjonijiet regolamentari għal vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u l-post fejn jitqiegħdu u l-metodu ta' kif jitwaħħlu”

COM(2007) 344 finali — 2007/0119 (COD)

(2008/C 10/07)

Nhar it-13 ta' Lulju 2007, il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea ddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-pjanċi u l-iskrizzjonijiet regolamentari għal vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u l-post fejn jitqiegħdu u l-metodu ta' kif jitwaħħlu.

Wara li kkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kollu sodisfaċenti u jħoss li m'hemm bżonn ta' l-ebda kummenti min-naħa tiegħu, il-Kumitat, matul l-438 sessjoni plenarja tiegħu tas-26 u s-27 ta' Settembru 2007 (seduta tas-26 ta' Settembru), iddeċieda b'165 vot favur, ebda vot kontra u 8 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

 

Brussell, is-26 ta' Settembru 2007

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


15.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 10/22


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Pjan ta' Azzjoni għall-Effiċjenza fl-Użu ta' l-Enerġija: Inwettqu l-Potenzjal”

COM(2006) 545 finali

(2008/C 10/08)

Nhar id-19 ta' Ottubru 2006, il-Kummissjoni ddeċiediet, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Pjan ta' Azzjoni għall-Effiċjenza fl-Użu ta' l-Enerġija: Inwettqu l-Potenzjal.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà ta' l-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-5 ta' Settembru 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Iozia.

Matul l-438 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-27 ta' Settembru 2007, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'145 vot favur, vot wieħed kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jilqa' u jappoġġja l-miżuri proposti mill-Kummissjoni. L-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija hija l-iktar qasam importanti u primarju fejn jistgħu jitwettqu l-għanijiet imressqa fil-Politika dwar l-Enerġija għall-Ewropa (PEE) — li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, li jiġi miġġieled it-tisħin globali, li titnaqqas id-dipendenza fuq pajjiżi barra l-UE u li titħares il-kompetittività tas-sistema Ewropea, filwaqt li l-provvista ta' enerġija tibqa' aċċessibbli finanzjarjament.

1.2

Fid-dawl tar-rapport reċenti ta' l-IPCC (Intergovernmental Panel on Climate Change — Pjattaforma Intergovermentali dwar il-Tibdil fil-Klima), il-KESE jikkunsidra li din il-mira hija realistika, minkejja li jħoss li għandhom isiru l-isforzi kollha possibbli għat-tnaqqis fil-konsum ta' l-enerġija u li teknikament joħolqu ffrankar aċċessibbli ta' 'l fuq minn 20 %. Il-mira timxi id f'id mal-pjanijiet nazzjonali ta' azzjoni, li kollha jirriflettu kondizzjonijiet finanzjarji u tekonoloġiċi differenti, sabiex tiġi assigurata distribuzzjoni ġusta ta' l-objettivi fost l-Istati Membri fir-rigward tal-potenzjal tagħhom. Ser jenħtieġ it-twaqqif ta' miri intermedjarji, li għandhom jintlaħqu sal-2012 u l-2016 per eżempju, sabiex jistgħu jissaħħu l-miżuri jekk il-progress ikun batut wisq.

1.3

Il-KESE jissuġġerixxi lill-Kummissjoni li jinfetaħ dibattitu speċifiku dwar “l-istili tal-ħajja” u “l-kwalità tal-ħajja”. Il-KESE jistaqsi lill-Kummissjoni jekk temminx li verament ser ikun possibbli li jiġi ppreservat l-istess stil tal-ħajja għal ġenerazzjonijiet futuri, b'żieda kemm fil-konsum kif ukoll fl-emissjonijiet. Peress li dan m'huwiex possibbli, l-isfida tista' tintlaħaq biss b'azzjoni deċiża, kuraġġuża u f'waqtha. Il-problema tinsab f'li tiġi aċċettata l-ħtieġa li jitwaqqaf l-effett ta' riperkussjoni li jirriżulta f'iffrankar ta' l-enerġija li jġib miegħu żieda immedjata fil-poter ta' akkwist taċ-ċittadin li jintuża sabiex jiffinanzja konsum addizzjonali.

1.4

Il-KESE jissuġġerixxi li għandha tiżdied azzjoni ta' prijorità oħra: li jiġu introdotti netwerks distrettwali tat-tisħin u t-tkessiħ sabiex b'hekk jiġi evitat li tintilef 33 % ta' enerġija primarja fl-istadju ta' trasformazzjoni.

1.5

Il-KESE jirrakkomanda li jittieħdu inizjattivi prijoritarji, bħall-ħolqien u l-iżvilupp ta' tipi ġodda ta' impjieg relatati mas-settur ta' l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija, id-disseminazzjoni ta' servizzi ta' l-enerġija ġodda, integrati, l-utilizzazzjoni tar-Riċerka u l-Iżvilupp, l-iżvilupp ta' riċiklaġġ u r-rimi ta' l-iskart urban solidu, li joffri bosta applikazzjonijiet potenzjali, u l-promozzjoni ta' inizjattivi tar-Responsabilità Soċjali Korporattiva (CSR). L-inċentivizzazzjoni ta' l-istudju ta' l-Enerġija fl-ambitu ta' l-edukazzjoni għolja u universitarja hija ta' importanza primarja.

1.6

Ser ikun hemm bżonn ta' żieda fil-persunal tal-Kummissjoni għall-ħidma fuq l-implimentazzjoni tal-75 miżura stabbiliti fil-Pjan ta' Azzjoni, il-monitoraġġ u l-analisi ta' l-effikaċja tal-medda sħiħa ta' strumenti proposti. Il-persunal ser ikollu jissorvelja l-iżvilupp ta' dawn l-attivitajiet. Il-KESE jirrakkomanda li hemm bżonn li ssir analisi eżawrjenti u li jiġu assenjati r-riżorsi umani u finanzjarji suffiċjenti.

1.7

Il-KESE jemmen li għandha tissaħħaħ il-ħila ta' l-UE, li fir-relazzjonijiet internazzjonali tagħha, titkellem b'vuċi waħda dwar l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija. Għal dan il-għan, huwa jirrakkomanda li l-Kummissjoni tevalwa jekk it-Trattati għandhomx bżonn li jiġu emendati sabiex tissaħħaħ ir-rappreżentazzjoni esterna konġunta, filwaqt li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jiddeċiedu fuq l-aħjar taħlita ta' l-enerġija għall-ħtiġijiet tagħhom.

1.8

Fir-rigward ta' politiki fiskali li jappoġġjaw l-investiment għall-kisba ta' l-objettivi tal-Pjan ta' Azzjoni, il-KESE jirrakkomanda li dawn il-politiki jqisu l-iktar gruppi vulnerabbli soċjali, il-persuni qiegħda, il-pensjonanti u l-ħaddiema. Kwalunkwe “taxxi ta' l-enerġija” jew inċentivi fiskali għandhom iħarsu lil dawn il-gruppi.

1.9

Il-KESE jikkundanna n-nuqqas ta' koordinazzjoni adegwata tal-politiki tat-trasport u l-enerġija; dawn, flimkien mal-politiki ambjentali u industrijali, jindirizzaw tħassib kif ukoll bżonnijiet tekniċi u industrijali li huma komplementari b'mod neċessarju. Il-KESE huwa kkunċernat, u bir-raġun, li minħabba dan in-nuqqas ta' koordinazzjoni, id-dokument tal-Kummissjoni mhux ser ikun effettiv daqs kemm setgħa jkun.

1.10

Il-bini residenzjali huwa l-qasam ewlieni ta' prijorità. Il-potenzjal għall-iffrankar huwa għoli ħafna sakemm jiġu indirizzati numru ta' punti ewlenin, bħall-ħtieġa għal tnaqqis qawwi fil-piżijiet fiskali li jinħolqu minn miżuri li jtejbu l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija, it-tneħħija tal-burokrazija (liċenzji, permessi), u l-fondi pubbliċi għall-iżvilupp tal-ħiliet u taħriġ aħjar għall-operaturi. Il-bini residenzjali li jkun ingħata ċertifikat ta' l-iffrankar ta' l-enerġija għandu jibbenefika minn ħelsien mit-taxxa jew, fejn is-sid ma jkollux dħul taxxabbli, bonus ta' l-enerġija li jista' jintuża għall-provvista ta' l-enerġija. Għandhom jiġu pprovduti tariffi preferenzjali meta l-konsum annwali jaqa' taħt ċertu livell. L-industrija tal-bini u dawk kollha li jaħdmu fiha għandhom bżonn ta' taħriġ dwar x'jista' jsir sabiex jinkisbu livelli ħafna ogħla ta' effiċjenza fil-bini u inċentivi ġodda sabiex jinkisbu dawn il-livelli.

1.11

Il-KESE jemmen li l-finanzjament ta' l-investimenti neċessarji għandu jinqasam bejn is-setturi pubbliċi u privati. Fid-dawl tas-suċċess ta' numru ta' skemi li diġà tnedew f'xi Stati Membri, jistgħu jiġu introdotti fondi speċjali b'mod iktar imferrex, fejn tintuża parti żgħira tal-profitti mill-intrapriżi li joperaw fis-settur, filwaqt li jiġu evitati żidiet fil-prezzijiet għall-konsumaturi aħħara, jew tnaqqis fl-investimenti kbar fil-qasam tal-produzzjoni.

1.12

Il-KESE jħoss li huwa essenzjali li jiġu involuti s-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem, tat-trade unions u ta' l-ambjent f'din l-isfida ewlenija. Huwa biss jekk ikun hemm bidla fl-imġiba kollettiva fil-livell l-iktar qrib taċ-ċittadin, flimkien ma' żieda fl-għarfien u l-kuxjenza, li ser ikun possibbli li jinkisbu riżultati viżibbli, peress li l-konsumaturi aħħara huma fil-fatt il-konsumaturi primarji ta' l-enerġija. L-użu ta' l-enerġija fil-bini residenzjali, fit-trasport privat u fl-attivitajiet tax-xogħol jiddependi direttament mill-individwi. L-edukazzjoni fl-“użu responsabbli ta' l-enerġija” hija essenzjali, mill-kindergarten 'il quddiem. Is-soċjetà kollha għandha timpenja ruħha f'dan l-isforz, li huwa u għandu jsir simbolu universali ta' soċjetà ċivilizzata ġdida. Kull Ewropew għandu jħoss li qiegħed jagħmel il-parti tiegħu f'din it-tellieqa ta' l-iffrankar, sabiex il-ġenerazzjonijiet futuri jkunu jistgħu jgawdu l-wirt naturali li bħalissa jinsab mhedded sew mit-tniġġis u mit-tibdil fil-klima.

1.13

Il-KESE jenfasizza s-suċċessi li nkisbu mill-industrija ta' l-għodod domestiċi permezz tat-tikkettar. L-iffrankar sa 70 % fil-każ tal-friġġijiet u 60 % fil-każ tal-magni tal-ħasil juri kemm huwa effettiv dan il-metodu. Il-KESE jsejjaħ għall-użu tad-disinn “eco” sabiex dan jiġi estiż għall-bini pubbliku, id-djar residenzjali u s-setturi tat-trasport pubbliku u privat ukoll, jiġifieri dawk is-setturi b'użu għoli ħafna ta' l-enerġija ('il fuq minn 70 % ta' l-użu totali ta' l-enerġija).

1.14

In-nuqqas ta' effiċjenza fl-istadji tal-ġenerazzjoni, it-trasmissjoni u t-tqassim jistħoqqlu iktar attenzjoni. Iktar minn terz ta' l-enerġija — 480 miljun tunnellata ta' ekwivalenza taż-żejt — hija mitlufa. Dan it-telf ta' enerġija jista' jitnaqqas minn 'il fuq minn 10 % għal 3 % ta' dawl għal kull 1 000 km permezz ta' trasmissjoni ta' vultaġġ għoli u kurrent kontinwu. Barraminhekk, it-trasmissjoni b'kurrent kontinwu tippreżenta wkoll vantaġġi f'termini ta' espożizzjoni tal-popolazzjoni għaż-żoni elettriċi u manjetiċi, u telimina l-emissjonijiet ta' sinjali elettro-manjetiċi assoċjati mat-trasmissjoni ta' kurrent li jalterna.

1.15

Fid-dawl tar-riżultati eċċellenti li qegħdin jinkisbu fil-qasam ta' l-enerġija termali tax-xemx, il-KESE jsejjaħ lill-Kummissjoni u l-Kunsill sabiex iħeġġu u jappoġġjaw it-tixrid ta' din it-teknoloġija.

1.16

Il-KESE japprova l-mira tal-Kummissjoni ta' żieda fl-iżvilupp ta' l-impjant CHP, minkejja li jħoss li l-adozzjoni ta' regolamenti standard għall-kejl ta' l-effiċjenza ta' dawn l-impjanti għandha titħaffef. Il-KESE jemmen li jkun utli li jsir investiment fi programmi li jqassmu t-triġenerazzjoni li tista' titmexxa mill-bijomassa. Unitajiet ta' mikroġenerazzjoni (Direttiva 2004/8/KE — unitajiet b'kapaċità installata ta' inqas minn 50 kW) għandhom jitħeġġu: għandhom jiġu inklużi fil-programmi li jipprovdu inċentivi għall-iffrankar ta' l-enerġija u t-tnaqqis ta' l-impatt fuq l-ambjent u integrati iktar faċilment fil-grids nazzjonali bħala parti mill-iżvilupp tat-tqassim tal-ġenerazzjoni. Madankollu, għandu jitprovda appoġġ għall-intrapriżi sabiex ikopru l-ispejjeż addizzjonali tal-bidla fil-grids ta' trasmissjoni attwali li ġġib magħha s-sistema.

1.17

Is-swieq tal-gass u l-elettriku għadhom m'humiex liberalizzati kompletament. L-intrapriżi li jiġġestjonaw il-monopolji tekniċi għandhom ikunu separati legalment minn dawk l-intrapriżi li joperaw f'sistema ta' kompetizzjoni ħielsa.

1.18

Il-KESE jħoss li l-introduzzjoni ta' miters elettroniċi tista' tkun ta' benefiċċju u tipprovdi sistema ta' ġestjoni ta' tqassim remot ta' l-enerġija u tottimizza l-ġestjoni tal-piż tal-grid. Dawn il-miters huma rikonoxxuti bħala strumenti adattati li jikkonformaw mal-ħtiġijiet stabbiliti minn direttivi Ewropej dwar l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija.

1.19

Is-settur tat-trasport ħadem ħafna sabiex jitnaqqas l-użu ta' l-enerġija u l-emissjonijiet li jniġġsu. Madankollu, iż-żieda kostanti fl-emissjonijiet tas-CO2 sforz użu aktar għoli tat-trasport privat, b'mod partikulari, iżda wkoll mill-modi l-oħra tat-trasport, issejjaħ għal sforz addizzjonali (emissjonijiet CO2 mit-trasport bit-triq għolew b'26 % bejn l-1990 u l-2004). Il-Kummissjoni qiegħda tanalizza bir-reqqa l-evalwazzjoni ta' l-impatt fir-rigward ta' l-adozzjoni tal-proċeduri tal-leġislazzjoni għall-kisba tal-mira ta' 120 g ta' CO2. Il-KESE jirrakkomanda li jiġu adottati l-miżuri kollha neċessarji għall-kisba ta' l-objettiv filwaqt li jiġi assigurat, b'mod partikulari, li dawn il-miżuri huma loġiċi u vijabbli kemm f'termini tekniċi kif ukoll ta' produzzjoni.

1.20

Il-KESE josserva li s-sostituzzjoni fuq skala kbira ta' karburanti fossili bi bijokarburanti ser iġġib magħha r-riskju li l-produzzjoni tal-karburant ser tiġi f'kompetizzjoni mal-produzzjoni ta' l-ikel fir-rigward ta' l-allokazzjoni ta' art għammiela għal użi differenti. Il-prezz ta' l-ikel jista' mbagħad jogħla sabiex jilħaq il-prezz tal-produzzjoni ta' l-enerġija, li min-naħa tagħha timxi mal-prezzijiet tal-karburanti fossili, li effettivament ser tpoġġi lis-sewwieqa min-nord f'kompetizzjoni (1) man-nies li jbat l-ġuħ fis-sud.

1.21

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-inċentivi u l-istrateġiji ta' finanzjar u taxxa proposti mill-Kummissjoni, b'mod partikulari li jinvolvu l-Bank Ewropew għall-Investiment (BEI) u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ). Huwa jappoġġja wkoll passi li jżidu l-għarfien tas-settur bankarju Ewropew dwar il-bżonn li jiġi pprovdut appoġġ finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija. Il-KESE jsejjaħ għall-konferenza dwar l-iffinanzjar ta' l-effiċjenza ta' l-użu ta' l-enerġija sabiex titqajjem kuxjenza fost il-partijiet interessati u s-settur bankarju Ewropew jitħeġġeġ jieħu sehem fi proġett ewlieni għall-modernizzar ta' l-ekonomija Ewropea.

1.22

Il-KESE jappoġġja l-ħolqien tal-“Patt tas-Sindki” iżda jħoss li l-mira li jinġabru flimkien l-20 belt prinċipali Ewropea m'hijiex ambizzjuża biżżejjed. Il-mira għandha tkun ħafna ogħla u l-kompetenza lokali għandha tintuża b'mod iktar effettiv. Mod eċċellenti li jgħaqqad lill-amministraturi lokali inkarigati mill-politika tat-trasport urban ma' dawk inkarigati mill-attivitajiet fid-distrett u li għandhom impatt dirett fuq il-pubbliku, jista' jkun it-tnedija ta' portal, jew forma oħra ta' komunikazzjoni, iddedikat għall-iskambju ta' l-esperjenza bejn il-bliet ta' l-UE, fejn jgħixu 'l fuq minn 80 % tal-popolazzjoni ta' l-UE.

1.23

Il-KESE jiddispjaċih li l-Pjan ta' Azzjoni ma jqisx ir-rwol ewlieni li għandhom jaqdu l-imsieħba soċjali u d-djalogu soċjali fil-livelli kollha fl-evalwazzjoni, il-promozzjoni u l-iżvilupp ta' politiki ta' l-iffrankar ta' l-enerġija. Il-KESE jsejjaħ lill-Kummissjoni sabiex tieħu passi sabiex tħeġġeġ l-inkorporazzjoni tal-kwistjonijiet tas-sostenibilità ambjentali fil-livelli varji ta' l-istrutturi eżistenti tad-djalogu soċjali, partikularment fid-djalogu settorjali u fil-Kunsill Ewropew għax-xogħolijiet. L-organizzazzjonijiet tat-trade unions għandhom rwol ewlieni x'jaqdu fit-titjib ta' l-għarfien u l-kuxjenza fil-livell Ewropew u nazzjonali, li jgħin fit-tixrid ta' l-aħjar prattiċi.

1.24

Huwa importanti li l-kwistjoni ta' l-iffrankar ta' l-enerġija tmur id f'id ma' prattiċi tajbin tar-responsabilità soċjali korporattiva, partikularment fl-organizzazzjonijiet multi-nazzjonali; hemm bżonn ta' djalogu soċjali intensiv sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet kollha relatati ma' l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija.

1.25

Id-dimensjoni internazzjonali tal-kwistjoni taż-żieda fl-intensità ta' l-użu ta' l-enerġija hija enfasizzata sew mill-Kummissjoni. Il-KESE jappoġġja l-proposti għall-isħubija u t-tfassil ta' Ftehim Internazzjonali ta' Qafas. Fir-rigward tal-konferenza internazzjonali ppjanata dwar l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija, il-KESE jwissi kontra n-nuqqas ta' kunsiderazzjoni tal-bżonn li jiġu involuti pajjiżi mill-programmi ta' l-AKP, l-Euromed u l-PEV (Politika Ewropea tal-Viċinat). Il-kooperazzjoni internazzjonali hija essenzjali għall-ksib ta' żvilupp sostenibbli ta' suċċess, u għandhom isiru sforzi diplomatiċi sabiex sal-2009 jintlaħaq protokoll internazzjonali ta' wara Kyoto, permezz tal-konferenza li ser issir f'Bali din is-sena.

2.   Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni

2.1

Il-Kummissjoni ħarġet il-Komunikazzjoni bl-isem ta' Pjan ta'Azzjoni għall-Effiċjenza fl-Użu ta' l-Enerġija: Inwettqu l-Potenzjal fuq l-istruzzjonijiet tal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2006, li approva r-rakkomandazzjonijiet imressqa fil-Green Paper dwar Strateġija Ewropea għal Enerġija Sostenibbli, Kompetittiva u Sigura.

2.2

L-għan tal-proposti miġbura fil-qosor fil-Komunikazzjoni huwa li jinkiseb iffrankar ta' 'l fuq minn 20 % sal-2020 skond l-użu mistenni, billi nassumu ċertu rata ta' tkabbir tal-PGD u mingħajr l-ebda intervenzjoni addizzjonali. Jekk jiġi implimentat, il-pjan jista' jfisser iffrankar sa 390 miljun tunnellata ta' ekwivalenza taż-żejt kull sena u l-emissjonijiet CO2 jitnaqqsu b'780 miljun tunnellata fis-sena. Il-miżuri proposti għandhom jassiguraw tnaqqis fl-użu globali ta' 1 % fis-sena, b'rata ta' tkabbir tal-PGD ta' 2.3 % li, mill-banda l-oħra, jekk ma jkun hemm l-ebda intervenzjoni ġdida, tfisser żieda fl-użu ta' 0.5 % fis-sena. L-ispiża ta' dan l-investiment għandha tiġi kkumpensata mill-iffrankar tal-karburant annwali ta' madwar EUR 100 biljun.

2.3

Id-dibattitu mqanqal mill-Green Paper dwar l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija intitolata “Nagħmlu Iktar b'Inqas” wassal għall-proposta ta' medda kumplessa iżda koerenti ta' 75 miżura li tkopri l-oqsma kollha tal-potenzjal ta' l-iffrankar ta' l-enerġija. Is-setturi għal azzjoni prijoritarja huma s-settur tal-bini u s-settur tat-trasport, li jikkonsma l-maġġoranza tal-prodotti taż-żejt. Madankollu, għandha tingħata daqstant attenzjoni lill-iffrankar li jista' jsir fil-produzzjoni, it-trasmissjoni u t-trasformazzjoni ta' l-enerġija u fl-industrija.

2.4

Il-pjan tal-Kummissjoni jressaq azzjonijiet immedjati u azzjonijiet oħra fuq perijodu fit-tul li għandhom jittieħdu matul medda ta' sitt snin. Pjan ta' azzjoni addizzjonali ser ikun neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta' l-iffrankar ta' 20 % sal-2020.

2.5

B'ħarsa lejn il-potenzjal ta' l-iffrankar, jidher li l-iffrankar huwa possibbli fis-setturi ta' l-aħħar użu, inkluż 25 % fl-industrija tal-manifattura, fejn it-tagħmir periferali bħal muturi, fannijiet u dawl joffru l-ikbar potenzjal għall-iffrankar; 26 % għat-trasport, it-tisħiħ tal-komodalità u bidla lejn modi oħra ta' trasport identifikati fil-White Paper dwar it-Trasport; u 27 % fis-settur residenzjali, minħabba l-insulazzjoni tal-ħitan u s-soqfa, titjib fid-dawl u għodod domestiċi iktar effiċjenti; filwaqt li għal bini kummerċjali titjib globali fis-sistemi tal-ġestjoni ta' l-enerġija jista' jwassal għal iffrankar sa 30 %.

2.6

Titjib fl-intensità ta' l-użu ta' l-enerġija ta' 1.8 % jew 470 miljun tunnellata ta' ekwivalenza taż-żejt huma mistennija minħabba bidliet strutturali, l-effetti ta' politiki preċedenti u l-introduzzjoni ta' teknoloġiji ġodda. Dan ifisser li t-tnaqqis globali ta' l-intensità fl-użu ta' l-enerġija, inkluż l-20 % mistennija mill-miżuri ġodda proposti (1.5 %, jiġifieri 390 miljun tunnellata ta' ekwivalenza taż-żejt għall-perijodu 2005-2020) għandu jkun ta' 3.3 % fis-sena. B'kumpens għal rata ta' tkabbir tal-PGD stmata ta' 2.3 % fis-sena, l-iffrankar totali ta' l-enerġija għalhekk ser ikun ta' 1 % fis-sena.

2.7

Il-Pjan ta' Azzjoni ser jipprovdi benefiċċji fil-qasam tal-protezzjoni ambjentali. It-tnaqqis fl-importazzjoni tal-karburanti fossili ser ifisser inqas dipendenza fuq pajjiżi terzi, u industrija ta' l-UE li tħalli iktar qligħ u li hija iktar kompetittiva, minħabba l-innovazzjoni teknoloġika msaħħa mill-proċessi mnedija, b'effetti pożittivi għall-impjieg.

2.8

Il-pjan huwa mibni fuq 10 azzjonijiet ta' prijorità urġenti, u l-Kummissjoni ssejjaħ lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet lokali u reġjonali u lill-partijiet interessati kollha sabiex jimplimentaw miżuri addizzjonali sabiex jinkisbu riżultati aħjar. Ġew stabbiliti miżuri settorjali kif ukoll orizzontali.

2.9

Il-miżuri jiffokaw fuq il-bżonn li jiġu stabbiliti l-ħtiġijiet għal prestazzjoni dinamika ta' l-enerġija; li tittejjeb l-effiċjenza tal-kapaċità ta' ġenerazzjoni ġdida u eżistenti u li jitnaqqas it-telf mit-trasmissjoni u t-tqassim fis-settur tat-trasformazzjoni ta' l-enerġija; u li jiġi adottat approċċ olistiku għas-settur tat-trasport.

2.10

Il-Pjan Strateġiku għat-Teknoloġija ta' l-Enerġija, li għandu jiġi adottat fl-2007, ser iwassal għal titjib fil-qasam ta' l-effiċjenza.

2.11

Jeħtieġ li tingħata attenzjoni lis-“sinjali tal-prezzijiet” billi dawn iżidu l-kuxjenza globali. Barraminhekk, huwa essenzjali li jitniedu għodod finanzjarji adattati fil-livelli kollha, flimkien ma' politiki fiskali u ta' inċentiv ieħor għall-produtturi u l-konsumaturi.

2.12

Hemm bżonn li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta' effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija fuq livell globali u għalhekk ftehimiet u sħubijiet internazzjonali huma essenzjali.

2.13

L-implimentazzjoni rigoruża tad-direttivi u r-regolamenti eżistenti bħad-Direttiva reċenti dwar l-effiċjenza ta' l-użu aħħari ta' l-enerġija u s-servizzi ta' l-enerġija, id-Direttiva tat-Tikkettar u t-tmien Direttivi ta' implimentazzjoni tagħha, id-Direttiva dwar il-prestazzjoni ta' l-enerġija tal-bini, id-Direttiva tad-Disinn Eco, u r-Regolament tas-Stilla ta' Enerġija ser tgħin sabiex jinkisbu l-għanijiet mistennija.

2.14   L-azzjonijiet ta' prijorità

2.14.1

It-tikkettar ta' l-għodod u t-tagħmir u l-istandards minimi għall-prestazzjoni ta' l-enerġija. L-aġġornament tad-Direttiva ta' Qafas 92/75/KE għandu jinkludi standards ġodda dinamiċi għall-għodod. Attenzjoni speċjali ser tkun iddedikata għal telf li jista' jseħħ waqt il-mod “stand-by”. Għall-ewwel ser jiġu identifikati erbatax-il-grupp ta' prodotti prijoritarji. L-għan huwa li jiġi assigurat li sa l-2010 l-maġġoranza ta' prodotti li jikkonsmaw parti sinifikanti mill-konsum globali ta' l-enerġija jkunu koperti mill-istandards minimi stabbiliti mid-Direttiva tad-Disinn Eco jew mir-rati ta' prestazzjoni/it-tikkettar.

2.14.2

Ħtiġijiet ta' prestazzjoni tal-bini u bini b'rata baxxa ħafna ta' l-użu ta' l-enerġija (“djar passivi”). L-estensjoni ta' l-iskop tad-Direttiva dwar il-prestazzjoni ta' l-enerġija tal-bini (attwalment applikabbli għal żoni ta' 'l fuq minn 1 000m2) u l-proposta ta' l-2009 għal direttiva ġdida li tistabbilixxi ħtiġijiet minimi ta' l-UE għall-prestazzjoni ta' bini ġdid u rinnovat (kWh/m2). Ser jiġu żviluppati strateġiji flimkien mas-settur tal-bini għal bini b'livell ta' l-użu ta' l-enerġija baxx ħafna.

2.14.3

Għal ġenerazzjoni u tqassim ta' l-enerġija aktar effiċjenti. Is-settur tat-trasformazzjoni ta' l-enerġija juża madwar terz ta' l-enerġija primarja kollha, bl-effiċjenza tat-trasformazzjoni ta' madwar 40 %. Kapaċità ġdida għall-ġenerazzjoni għandha tagħmilha possibbli li jinkiseb is-60 %. Telf fit-trasmissjoni u t-tqassim ta' l-elettriku — ta' sikwit għoli sa 10 % — jista' wkoll jitnaqqas sostanzjalment. Ħtiġijiet minimi ta' prestazzjoni ser jiġu stabbiliti għall-kapaċità ġdida ta' l-elettriku, it-tisħin u t-tkessiħ li huwa inqas minn 20 MW. L-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Promozzjoni tal-Koġenerazzjoni (CHP) (2004/8/KE) hija mistennija li ġġib magħha progress addizzjonali. Fl-aħħar, ser jiġu introdotti l-ħtiġijiet minimi għall-prestazzjoni u r-regolamenti għat-tisħin distrettwali.

2.14.4

Karozzi b'konsum baxx ta' karburant. Sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2, fl-2007 il-Kummissjoni, jekk ikun neċessarju, ser tipproponi leġislazzjoni li tassigura li l-mira ta' 120g CO2/km tinkiseb sal-2012. L-għażla li jintuzaw strumenti fiskali b'rabta ma' l-emissjonijiet CO2 qiegħda tiġi evalwata. Is-settur tat-tajers jista' jagħti kontribuzzjoni għall-effiċjenza ta' l-enerġija (sa 5 %) bi standards għar-reżistenza ta' rrumblar u pressjoni korretta tat-tajer. Il-Kummissjoni ser toħroġ Green Paper dwar it-trasport urban sabiex tħeġġeġ l-użu tat-trasport pubbliku, u tintroduċi miżuri iktar b'saħħithom sabiex jindirizzaw il-kwistjoni, partikularment f'żoni ta' konġestjoni.

2.14.5

L-iffaċilitar ta' finanzjament adattat għal investiment fl-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u għall-Kumpaniji tas-Servizzi ta' l-Enerġija. Il-Kummissjoni ser issejjaħ lis-settur bankarju sabiex joffri pakketti finanzjarji mmirati lejn l-iffrankar ta' l-enerġija. L-iffinanzjar Komunitajru bħall-Fondi għall-Investiment Favur l-Ambjent (Green Investment Funds) u l-Programm ta' Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni ser ikollu jappoġġja l-SMEs b'mod partikulari.

2.14.6

Inqanqlu l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija fl-Istati Membri l-ġodda. Il-Kummissjoni ser issejjaħ għal iktar fondi għall-politika tal-koeżjoni sabiex jiġu użati għall-implimentazzjoni ta' proġetti għall-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija.

2.14.7

Użu koerenti tat-tassazzjoni. Il-Green Paper li jmiss dwar it-tassazzjoni indiretta u reviżjoni relatata tad-Direttiva tat-Taxxa fuq l-Enerġija ser tipprovdi għall-integrazzjoni ta' kunsiderazzjonijiet ta' l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija u aspetti ambjentali. Ser jiġu evalwati l-benefiċċji ta' l-użu ta' krediti tat-taxxa bħala inċentivi kemm għall-intrapriżi kif ukoll għall-konsumaturi ta' l-għodod u t-tagħmir.

2.14.8

Inżidu l-kuxjenza dwar l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija. Ser jitrawwem l-iżvilupp ta' ħiliet, taħriġ u informazzjoni għall-maniġers ta' l-enerġija fl-utilitajiet. L-iskejjel ser jiġu pprovduti b'materjali għat-tagħlim.

2.14.9

Effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija fiż-żoni mibnija. Ser jinħoloq “Patt tas-Sindki” mill-Kummissjoni fl-2007, li jgħaqqad lis-sindki ta' 20 mill-ikbar u l-iktar bliet pijuniera ta' l-Ewropa għall-iskambju ta' l-aħjar prattiċi.

2.14.10

Inrawmu l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija madwar id-dinja kollha. L-għan huwa li jiġi konkluż ftehim ta' qafas ma' l-imsieħba ewlenin fil-kummerċ u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, dwar it-titjib fl-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija fis-setturi ta' użu aħħari u fit-trasformazzjoni ta' l-enerġija.

Konklużjonijiet

Il-Kummissjoni tikkonkludi l-Komunikazzjoni tagħha billi tħabbar li ser issir reviżjoni ta' nofs it-term fl-2009 u ssejjaħ għal appoġġ qawwi mill-Kunsill, mill-Parlament Ewropew u mill-politiċi nazzjonali, reġjonali u lokali.

3.   Kummenti Ġenerali

3.1

Il-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni jieħu approċċ komprensiv lejn l-inizjattivi ta' qafas neċessarji għall-ksib tal-mira ambizzjuża, stabbilita fil-proposta, li jinltaħaq livell ta' ffrankar ta' l-enerġija ta' 20 % u li b'hekk sa l-2020, l-emissjonijiet CO2 jitnaqqsu b'780 miljun tunnellata fis-sena. Fid-dawl tar-rapport reċenti ta' l-IPCC (Intergovernmental Panel on Climate Change — Pjattaforma Intergovermentali dwar il-Bidla fil-Klima), il-KESE jikkunsidra din il-mira bħala waħda realistika, minkejja li jħoss li għandhom isiru l-isforzi kollha possibbli għat-tnaqqis fil-konsum ta' l-enerġija u li joħolqu ffrankar teknikament aċċessibbli ta' 'l fuq minn 20 %. Il-mira għandha tmur id f'id mal-pjanijiet nazzjonali ta' azzjoni, li jirriflettu l-kondizzjonijiet finanzjarji u tekonoloġiċi bażiċi differenti, sabiex jiġi assigurat it-tqassim ġust ta' l-objettivi fost l-Istati Membri skond il-potenzjal tagħhom.

3.2

Ser ikun hemm bżonn li jitwaqqfu miri intermedjarji, li għandhom jintlaħqu sal-2012 u l-2016 per eżempju, sabiex jekk il-progress ikun wisq batut, il-miżuri jkunu jistgħu jissaħħu. Ir-reviżjoni ta' l-2009 tidher bikrija wisq sabiex isir ġudizzju kkunsidrat. Il-KESE jirrakkomanda wkoll li għandha tiġi pprovduta għażla ta' mira fuq perijodu fit-tul (2040/2050) sabiex jiġi assigurat is-segwitu ta' miri ta' l-iffrankar ta' l-enerġija. Fi ftit snin, l-investiment fil-produzzjoni ta' l-enerġija bbażata fuq il-karburanti fossili, li jammonta għal biljuni ta' Euro, ser jiskadi. Din il-kapaċità trid tiġi sostitwita kemm jista' jkun malajr u bl-ikbar effiċjenza. Din ser tkun sfida storika, li tmur kontra t-tendenzi tal-lum ta' skyscrapers ta' 120 sular mixgħula bil-lejl u bi nhar u l-użu ta' l-art għall-infrastruttura tat-trasport. L-awtoritajiet għandhom jaċċettaw mingħajr dewmien l-iskala enormi tal-problema li tinħoloq mill-ħtieġa li jiġu sostitwiti r-riżorsi ta' l-enerġija.

3.3

Il-pjan tal-Kummissjoni għandu jnaqqas il-konsum ta' l-enerġija filwaqt li jippreserva l-istess kwalità tal-ħajja. Fuq il-bażi ta' dan l-objettiv, huwa maħsub li titnaqqas l-intensità ta' l-enerġija b'3.3 % sa l-2020, jiġifieri li tiġi kkunsidrata r-rata ta' tkabbir tal-PGD kostanti ta' 2.3 %, li tikseb tnaqqis veru fl-użu ta' l-enerġija ta' 1 % fis-sena, li huwa ekwivalenti għal tnaqqis totali ta' 14 % bejn l-2005 u l-2020. Il-KESE jissuġġerixxi lill-Kummissjoni li jinfetaħ dibattitu speċifiku dwar “l-istili tal-ħajja” u “l-kwalità tal-ħajja”. Il-kwalità mtejba tal-ħajja titkejjel, għal ħafna nies, skond in-numru ta' għodod domestiċi, it-telefons ċellulari jew in-numru ta' karozzi għal kull persuna, filwaqt li għal oħrajn din titkejjel f'termini ta' emissjonijiet tas-CO2, ta' materja fil-forma ta' partikuli separati u trab fin, il-konġestjoni tat-traffiku u l-ħin għall-ivvjaġġar u l-kwalità tas-servizzi pubbliċi. Huwa ċar li, fir-rigward ta' l-effiċjenza fl-użu u l-iffrankar ta' l-enerġija, anke bidla modesta ħafna, fis-sens l-aktar ekoloġiku tat-terminu “stili tal-ħajja”, għandha tħaffef il-ksib ta' l-għanijiet. Il-KESE jistaqsi lill-Kummissjoni jekk temminx li ser ikun verament possibbli li jiġi ppreservat l-istess stil ta' ħajja għal ġenerazzjonijiet futuri, b'żieda kemm fil-konsum kif ukoll fl-emissjonijiet. Il-problema tinsab fl-aċċettazzjoni li jinżamm l-effett tal-konsegwenzi li jirriżultaw fl-iffrankar fl-użu ta' l-enerġija li jiffinanzja konsum addizzjonali. L-organizzazzjoni mill-ġdid tas-sistema ekonomika għalhekk għandha tiġi ppjanata f'ħin propizju, li tħeġġeġ il-ħolqien ta' infrastruttura adattata u tipproponi sett adattat ta' prinċipji lill-ġenerazzjonijiet il-ġodda, per eżempju (2):

tnaqqis fl-użu tar-riżorsi u l-enerġija;

prevenzjoni tat-tniġġis fl-arja, l-ilma u l-ħamrija;

tnaqqis ta' l-iskart fil-livell tas-sors;

tnaqqis kemm jista' jkun tar-riskju għan-nies u l-ambjent.

3.3.1

Ir-responsabilità għall-bżonnijiet ta' l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija għandha titqassam fuq il-livelli kollha, għandhom jiġu stabbiliti pjanijiet ta' azzjoni reġjonali u lokali flimkien ma' dawk nazzjonali. L-awtoritajiet reġjonali għandhom jiġu involuti f'din l-isfida ewlenija. L-iskala u l-importanza tal-Pjan ta' Azzjoni huma tassew sfida ġenwina. Ċerti aspetti ta' l-istil tal-ħajja assoċjati mal-progress fis-seklu 20 ser ikollhom jitwarrbu, u l-kunċett ta' estetika ser ikollu jinkludi element etiku ta' aċċettabilità fir-rigward ta' effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija: kif inhu l-każ għal-ġilda ta' annimali rari u prodotti ta' l-ivorju, b'hekk skyscraper bi ġnub tal-ħġieġ jew SUV ser ikollhom isiru inaċċettabbli. Dan it-tibdil profond fil-prinċipji komuni jsejjaħ għal kooperazzjoni mill-industrija privata wkoll, li għandha tieħu l-opportunità li tadatta għall-ħtieġa tal-promozzjoni ta' l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija iktar kmieni milli setgħet qabel, għall-benefiċċju tal-komunità internazzjonali, billi tuża dawn il-prinċipji ġodda fir-reklamar ukoll iktar milli tibgħat messaġġi ta' kunflitt li jfaħħru l-piż u l-poter, li m'huwiex neċessarju, bħala simboli ta' status.

3.4

Il-Pjan ta' Azzjoni jidentifika għaxar azzjonijiet prijoritarji, f'erba' oqsma ta' prijorità: il-konverżjoni, it-trasmissjoni u t-tqassim ta' l-enerġija; bini għall-użu residenzjali, kummerċjali u professjonali; it-trasport; u l-użu industrijali u agrikolu. Dawn l-oqsma jgħoddu għal iktar minn 90 % ta' l-użu ta' l-enerġija. Ser jittieħdu miżuri oħrajn fil-qasam tal-ftehimiet internazzjonali, sabiex jinħolqu sħubijiet dwar it-tfassil ta' l-istandards; u fil-qasam ta' l-informazzjoni, it-taħriġ u l-komunikazzjoni, fir-rigward tal-ħtieġa għall-iżvilupp ta' sinerġiji u, sa fejn huwa possibbli, is-sjieda fost il-partijiet interessati kollha.

3.5

Il-KESE jissuġġerixxi li għandha tiżdied azzjoni addizzjonali ta' prijorità, sabiex jiġu introdotti miżuri għat-tnaqqis tal-karburanti fossili fit-tisħin u t-tkessiħ, u josserva li l-proposta ma tanalizzax il-possibbilità ta' l-introduzzjoni ta' netwerks għat-tisħin u t-tkessiħ, li tista' tevita li tintilef 33 % ta' l-enerġija primarja fl-istadju tat-trasformazzjoni. Dan il-potenzjal jista' jirdoppja jekk ikun assoċjat ma' l-użu ta' l-enerġiji rinnovabbli jew ir-rimi ta' l-iskart, li jwassal għal iffrankar sa 50.7 miljun tunnellata f'ekwivalenza taż-żejt fis-sena. Il-KESE jissuġġerixxi li, flimkien ma' l-azzjonijiet pożittivi ta' prijorità, jittieħdu inizjattivi prijoritarji tanġibbli, li jiffaċilitaw il-ħolqien u l-iżvilupp ta' tipi ġodda ta' impjieg relatati mas-settur ta' l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija, it-tixrid ta' servizzi ta' l-enerġija ġodda u integrati, il-promozzjoni ta' prodotti ġodda li jiffrankaw l-enerġija li joħolqu inqas tniġġis, it-trawwim tar-riċerka u l-iżvilupp fil-livell nazzjonali u Ewropew, b'żieda sostanzjali fil-baġits allokati, u l-utilizzazzjoni tar-riżorsi teknoloġiċi li huma disponibbli diġà. Oqsma addizzjonali għal azzjoni jistgħu jkunu l-iżvilupp ta' riċiklaġġ u r-rimi ta' l-iskart urban solidu, li għandhom ħafna applikazzjonijiet potenzjali, u l-promozzjoni ta' inizjattivi CSR u ftehimiet volontarji fl-intrapriżi, li jinvolvu lill-ħaddiema b'mod attiv u jużaw il-proċeduri ta' l-EMAS.

3.6

Il-proposta tal-Kummissjoni tħabbar ħafna miżuri leġislattivi, bħal direttivi u regolamenti ġodda, u r-reviżjoni ta' strumenti eżistenti, sabiex l-istandards isiru iktar stretti (it-tħabbira tas-7 ta' Frar 2007 dwar il-livell massimu ta' l-emissjonijiet CO2 fl-industrija awtomotiva). Il-KESE josserva l-proposti tal-Kummissjoni u d-deċiżjonijiet tal-Kunsill tar-Rebbiegħa ta' Marzu li għadda iżda jenfasizza li, b'segwitu tat-tkabbiriet ta' Mejju 2004 u Jannar 2007, numru kbir ta' vetturi użati ddaħħlu fil-pajjiżi kkonċernati. L-influss għadu għaddej u sar iktar intensifikat. Il-KESE jħoss li ser jgħaddu ħafna snin qabel ma r-rikambju sħiħ tal-flotta ta' vetturi jinkiseb f'dawn l-Istati Membri, u li huwa inkonċepibbli li dan għandu jitwettaq bis-saħħa ta' standard vinkolanti relatat mal-flotta eżistenti.

3.7

Id-dokument ma jikkunsidrax il-ħtieġa li jissaħħu r-responsabilitajiet u l-poteri Komunitarji sabiex jiġi assigurat li l-miri jinkisbu u jiġi ppreżentat front magħqud fil-konfront ta' l-imsieħba internazzjonali. Il-KESE jappoġġja d-dispożizzjonijiet tad-dokument tal-Kunsill Ewropew u l-adozzjoni tal-Politika ta' l-Enerġija għall-Ewropa (PEE), li tqis lill-politika ta' l-enerġija bħala waħda mill-prijoritajiet għall-ġejjieni ta' l-UE u li ssaħħaħ il-politika barranija u l-kooperazzjoni ta' l-UE. Ir-restrizzjonijiet tat-Trattati eżistenti, li jżommu t-teħid ta' deċiżjonijiet dwar il-politika ta' l-enerġija f'idejn l-Istati Membri, huma sa ċertu punt ikkumpensati minn poteri ġenwini ta' tisħiħ tar-rappreżentazzjoni fir-rigward ta' pajjiżi terzi, minkejja li l-Artikolu 174(4) jipprovdi għal kompetenza konġunta u rwol speċifiku fil-kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali. Huwa ċar li, iktar ma tkun tajba l-koordinazzjoni tal-politiki, iktar tkun tajba l-kapaċità ta' negozjar ta' l-UE. Il-KESE jsejjaħ lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jikkunsidraw, fejn meħtieġ, il-possibbilità li jiġu emendati t-Trattati sabiex il-Komunità jkollha iktar poteri fir-rigward ta' msieħba esterni u b'hekk tkun tista' titprovda rappreżentazzjoni magħquda.

3.8

Id-Direttiva dwar l-effiċjenza fl-użu finali ta' l-enerġija u dwar servizzi ta' enerġija (2006/32/KE) issemmi strateġija bbażata fuq applikazzjoni usa' ta' ċertifikati bojod, u l-pjanijiet nazzjonali ta' azzjoni li ser ikollhom jiġu evalwati mill-Kummissjoni. Il-Pjan ta' Azzjoni nnifsu ser jinvolvi żieda konsiderevoli fix-xogħol għall-Kummissjoni, f'termini ta' inizjattivi leġislattivi u regolatorji u l-monitoraġġ. Il-KESE jemmen li s'issa l-esperjenza kienet inkoraġġanti, minkejja li kien hemm numru ta' problemi fit-twettiq taċ-ċertifikati bojod, minħabba, fost affarijiet oħra, differenzi fost ir-regolamenti ta' l-Istati Membri. Għal attivitajiet relatati mal-ksib ta' l-għanijiet tad-direttiva, u b'mod iktar ġenerali, sabiex il-Kummissjoni tkun tista' taħdem fuq il-kwistjoni b'mod effettiv, jenħtieġu iktar impjegati tal-Kummissjoni li jkunu assenjati għal din il-ħidma. Il-Kummissjoni tistima li hemm bżonn ta' 20 impjegat. Il-KESE jirrakkomanda li hemm bżonn li ssir analisi eżawrjenti u jittama li jiġu assenjati r-riżorsi umani u finanzjarji suffiċjenti.

3.9

L-implimentazzjoni tal-miżuri proposti ser iġġib magħha ffrankar li jwassal għal tnaqqis fid-dħul tal-VAT li jista' jolqot lill-baġit Komunitarju, parzjalment ikkumpensat miż-żieda fl-attivitajiet il-ġodda relatati mal-politika ta' l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija. Il-KESE jsejjaħ lill-Kummissjoni sabiex tanalizza din il-possibbilità peress li din ma titqiesx fir-Rapport ta' l-Evalwazzjoni ta' l-Impatt. Il-KESE jemmen li r-riżorsi attwali ta' l-UE huma kompletament insuffiċjenti sabiex ikopru l-programmi Komunitarji kollha, li huma dejjem soġġetti għal tnaqqis fl-iffinanzjar ta' proġetti benefiċċjali ħafna, inkluż dawk bil-mira li jiffrankaw l-enerġija. Jekk tiġi introdotta “taxxa ta' l-enerġija”, din għandha tagħmel parti minn politika fiskali li tqis lill-gruppi soċjali vulnerabbli u li m'għandha l-ebda impatt negattiv fuq il-livelli attwali tas-sigurtà soċjali u s-servizzi pubbliċi.

3.10

Il-Pjan ta' Azzjoni huwa milqut minn diffikultajiet fil-ksib ta' l-għanijiet stabbiliti fil-White Paper dwar it-Trasport. Fir-reviżjoni ta' nofs it-term, il-Kummissjoni tosserva li l-ostakli u r-reżistenza li ġiet iffaċċjata s'issa fixklu t-tisħiħ tat-trasport ferrovjarju u marittimu, li jista' jwassal għal iffrankar konsiderevoli ta' l-enerġija. Dan it-tisħiħ għandu jiġi trattat bħala prijorità assoluta, meta jiġi kkunsidrat iż-żmien meħtieġ għall-bini ta' l-infrastruttura u għall-bidla fid-drawwiet tan-nies. Hemm bżonn ta' iktar enfasi fuq it-titjib tat-trasport għall-ħaddiema, li attwalment qegħdin jiġu penalizzati bil-kbir minn politika attrezzata iktar għall-bżonn ta' qligħ finanzjarju immedjat milli għall-ħtiġijiet tat-trasport pubbliku, eż. il-prijoritizzazzjoni ta' investiment fil-konnessjonijiet (links) ta' veloċità qawwija. L-iffaċilitar ta' l-ivvjaġġar tan-nies lejn il-post tax-xogħol tagħhom mhux biss inaqqas l-użu ta' l-enerġija iżda jtejjeb b'mod konsiderevoli il-kwalità ta' ħajjithom ukoll. L-investiment pubbliku meħtieġ għat-tisħiħ tas-sistemi tat-trasport pubbliku, naturalment, issemma, fost affarijiet oħra, fil-kuntest ta' kriżi ekonomika ta' ħames snin li laqtet lill-finanzi pubbliċi ta' ħafna Stati Membri. In-nuqqas ta' tnedija ta' infrastruttura essenzjali, it-tnaqqis fil-fondi Komunitarji għal pjanijiet strateġiċi bħall-passaġġi TEN (li niżlu minn EUR 20 biljun għal EUR 7.5 biljun), u l-istrateġiji ta' l-industrija sostanzjali Ewropea tal-vetturi, wasslu sabiex dan il-pjan ma baqax vijabbli. Il-KESE dalwaqt ser jadotta opinjoni prinċipali dwar it-trasport fiż-żoni urbani, li tenfasizza t-tnaqqis sostnut fl-użu tan-netwerks tat-trasport pubbliku u jissuġġerixxi soluzzjonijiet għat-tnaqqis fin-numru ta' vetturi privati fit-triq (3). Il-KESE jikkundanna n-nuqqas ta' koordinazzjoni adegwata tal-politiki tat-trasport u l-enerġija; flimkien mal-politiki ambjentali u industrijali, dawn jindirizzaw it-tħassib u l-bżonnijiet tekniċi u industrijali li huma neċessarjament komplementari. Huwa kkonċernat, bir-raġun, li minħabba dan in-nuqqas ta' koordinazzjoni, id-dokument tal-Kummissjoni mhux ser ikun effettiv daqs kemm setgħa jkun.

3.11

Il-problema tolqot lill-attività leġislattiva, il-komunikazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni. L-istess diffikultajiet li huma ffaċċjati fi Brussell huma ffaċċjati fil-livell nazzjonali, u s-sitwazzjoni tiħrax minħabba l-fatt li l-politiki nazzjonali għandhom ikunu kkoordinati fil-livell ta' l-UE (iktar milli l-oppost).

3.12

Politika Ewropea ta' l-enerġija għandha tkun sostenibbli mill-gruppi soċjali kollha, sabiex ikunu trattati b'mod ugwali fir-rigward ta' l-aċċess għas-servizzi pprovduti mill-provedituri ta' l-enerġija, li jixtru għodod domestiċi iktar effiċjenti u jikru l-appartamenti. Din għandu jkollha impatt pożittiv fuq l-impjieg, u hija ċertament possibbli fil-perijodu immedjat fis-settur tad-djar. Għal kull tip ta' miżura għaż-żieda fl-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija, il-konċessjonijiet għandhom jimmiraw li jenfasizzaw il-benefiċċji għall-utent, sabiex il-ħin neċessarju għall-kumpens ta' l-ispejjeż ikun relattivament qasir u faċli li jiġi kalkolat.

3.13

Il-fondi m'għandhomx jiġu biss mill-finanzi pubbliċi: jista' jinħoloq fond billi jintuża proporzjon żgħir tal-profitti li jinġabru mis-setturi ta' l-enerġija u l-elettriku, proġett li diġà ġie pilotat f'numru ta' Stati Membri. Madankollu, dan m'għandux iwassal għal tariffi ogħla għall-utenti finali u inqas investiment strateġiku mill-intrapriżi. L-investimenti enormi li ser ikunu meħtieġa fl-industrija tal-produzzjoni sabiex tiġi sodisfata d-domanda dejjem tikber u l-ispejjeż dejjem jiżdiedu ser ikollhom, naturalment, jitqiesu, filwaqt li l-prezzijiet tar-riżorsi fossili oħra jimxu mat-tendenzi tal-prezz taż-żejt iżda l-ispejjeż tar-riċerka huma ħafna iktar baxxi, kif inhuma wkoll l-ispejjeż ta' l-industriji tat-tqassim. Għaldaqstant, dawn il-fondi għandhom iqisu d-differenzi sinifikanti fl-ispejjeż tar-riċerka. Id-divrenzjar fost l-Istati Membri jista' jiġi pprovdut skond il-leġislazzjoni differenti eżistenti f'termini ta' ħtiġijiet għall-industriji ta' l-enerġija sabiex jinvestu fir-riċerka dwar l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija u l-kontroll tal-prezzijiet. Din is-soluzzjoni tista' trendi possibbli ż-żieda fl-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija fid-djar tas-sidien ta' proprjetà żgħira mingħajr riżorsi finanzjarji, b'hekk jinbet ċirku virtuż li jista' joħloq l-impjiegi.

3.14

Kwalunkwe ħelsien mit-taxxa, li għandu jintuża b'mod kawt ħafna, għandu jiġi implimentat b'attenzjoni adegwata għall-gruppi bl-inqas dħul, li peress li ma jħallsux taxxa, ikunu esklużi minn miżuri bl-intenzjoni li jiffaċilitaw politika ta' effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija. Jistgħu jiġu pprovduti bonuses għall-effiċjenza lil dawk li m'humiex soġġetti għal tassazzjoni diretta minħabba li d-dħul tagħhom huwa baxx wisq.

3.15

Il-KESE jħoss li huwa essenzjali li jiġu żviluppati kampanji ta' tqajjim ta' kuxjenza fil-livell Ewropew, nazzjonali, lokali u reġjonali, b'tema waħda miftehma kull darba (eż. fit-tali xahar fl-Ewropa jista' jkun hemm enfasi fuq il-bozoz tad-dawl, fix-xahar ta' wara fuq l-iżvilupp tat-trasport pubbliku, xahar ieħor fuq tisħin/tkessiħ effiċjenti, favur l-ambjent eċċ.) Għandhom jitnedew kampanji li jxerrdu l-ideat u s-suġġerimenti, li, b'mod kostanti, iqajmu l-kuxjenza pubblika dwar din il-ħtieġa bżonjuża Huwa biss permezz ta' tqajjim ta' kuxjenza fost il-massa li ser ikun possibbli li jinkisbu riżultati tanġibbli. Id-dibattitu demokratiku, il-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-partijiet interessati kollha u r-rwol tal-gvernijiet ser ikun essenzjali għall-ġestjoni effettiva ta' l-azzjonijiet pjanati. L-Istati Membri li għandhom iktar konsulenti tekniċi fil-qasam ta' l-effiċjenza ta' l-enerġija għandhom jissorveljaw it-taħriġ għal konsulenti fl-Istati Membri l-oħra ta' l-UE, sabiex jiġi assigurat it-tixrid uniformi ta' l-għarfien meħtieġ għas-suċċess tal-Pjan ta' Azzjoni. Fl-Istati Membri ser ikunu mħeġġa l-istudji fl-Enerġija fil-livell universitarju u fl-iskejjel superjuri, li jiffavorixxu l-kollaborazzjoni interreġjonali. Il-Kummissjoni tista' taqdi rwol effettiv fil-koordinazzjoni.

3.16

Għandha tingħata ħafna attenzjoni sabiex jinstab il-bilanċ essenzjali bejn il-bżonn li jseħħ it-titjib kollu possibbli, u l-ħila tas-sistemi ekonomiċi u produttivi li jiffaċċjaw il-bidliet għal arrieda li jġib miegħu dan it-tibdil. Hemm periklu reali li jekk l-industriji li jużaw ħafna enerġija jiġu ffaċċjati bi spejjeż li huma għoljin wisq, dawn ser jirrilokaw f'żoni b'inqas “restrizzjonijiet”. Ir-rata tat-tibdil għandha tintrabat b'mod strett mal-potenzjal għall-adattament u assorbit fl-ispejjeż. Għandhom jiġu żviluppati miżuri li jagħmluha possibbli li jiġu ffirmati kuntratti fuq perijodu twil li jagħtu garanzija fuq perijodu fit-tul, prezzijiet stabbli ta' l-enerġija bi skambju ma' impenji għal investiment fl-innovazzjoni, it-teknoloġija jew l-infrastruttura fl-oqsma tal-produzzjoni, it-trasport u d-distribuzzjoni. L-investimenti għandhom jiġu evalwati mil-lat ta' l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija. L-utilizzazzjoni ta' ftehimiet volontarji hija kkunsidrata b'mod pożittiv, iżda teħtieġ ukoll ħila ġenwina u f'waqtha ta' kontroll min-naħa ta' l-awtoritajiet reġjonali, minkejja x-xewqa li jiġu sostitwiti b'impenji vinkolanti fejn tiġi verifikata l-ineffikaċja.

3.17

Il-miżuri identifikati għandhom dejjem iqisu l-istat tas-suq, li qiegħed isir dejjem iżjed globalizzat. Iż-żieda potenzjali fil-prezzijiet ta' l-enerġija tista' toħloq problemi kbar għas-setturi li jużaw ħafna enerġija, bħall-industriji ta' l-aluminju jew il-konkos. L-għanijiet ta' Lisbona għandhom jitqiesu dejjem u l-kompetittività tas-sistema Ewropea għandha tkun garantita b'mod konsistenti; għandha tkun tista' tiddependi fuq prezzijiet ta' l-enerġija li jikkonformaw mas-sistema globali ekonomika. Barraminhekk, l-Ewropa m'għandhiex tittollera t-theddid kostanti tar-rilokazzjoni li għadhom jistqarru l-intrapriżi. L-intrapriżi li jirrilokaw purament sabiex iżidu s-sehem tal-profitti għandhom jiġu penalizzati peress li, b'żieda mal-problemi soċjali — xi kultant estremi — li jinħolqu, li għandhom impatt ukoll fuq il-komunità, dawn ikollhom effett ta' distorsjoni fis-suq intern billi jqiegħdu prodotti fis-suq li ġew manifatturati f'pajiżi iktar tolleranti li ma jimponux l-istess restrizzjonijiet.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-KESE mhux ser jiddiskuti kull azzjoni individwali proposta (madwar 75), għal raġunijiet ovvji, iżda jħoss li għandu jikkummenta fuq l-iktar miżuri u proposti importanti fid-dokument u l-Annessi. F'seduta tal-KESE ġew imressqa indikazzjonijiet addizzjonali li huma validi min-naħa ta' l-interventuri, li kkontribwew lejn it-titjib fl-għarfien b'kontribuzzjoni notevoli lejn ir-riflessjonijiet tal-Kumitat.

4.2

L-ewwelnett, il-miżuri adottati s'issa għall-ħtiġijiet ta' prestazzjoni ta' enerġija dinamika għall-prodotti, il-bini, u s-servizzi ta' l-enerġija li jużaw l-enerġija, kellhom riżultati pożittivi. Il-produtturi u l-konsumaturi urew interess kbir fl-espansjoni tal-provvista u d-domanda għal prodotti ġodda u dejjem iktar effiċjenti, u urew li huma ħerqana ħafna. Il-konferma immedjata ta' l-iffrankar li jista' jinkiseb, l-edukazzjoni dejjem iktar mferrxa u t-tqajjim ta' kuxjenza dwar kwistjonijiet ambjentali jissuġġerixxu li dawn il-politiki huma prattikabbli fil-perijodu immedjat u jistgħu jiksbu r-riżultati mistennija. Id-disinn “eco” ġie milqugħ tajjeb mill-pubbliku, li qiegħed kulma jmur jagħti iktar attenzjoni lill-karatteristiċi tal-prodotti offerti. Għandha titrawwem it-tendenza li ċerti produtturi diġà qegħdin juru li tiġi enfasizzata l-effiċjenza ta' l-enerġija u li, lill-konsumaturi jingħatawlhom struzzjonijiet dettaljati dwar l-użu effiċjenti ta' l-enerġija tal-prodotti għall-bejgħ. Il-mudell Amerikan jistħoqqlu l-attenzjoni wkoll, peress li huwa alloka inċentivi speċifiċi għall-intrapriżi li jużaw d-disinn “eco”, b'riżultati inkoraġġanti. Il-KESE jemmen li l-appoġġ għan-netwerk ta' intrapriżi permezz ta' għotja ta' krediti tat-taxxa lill-intrapriżi li jiżviluppaw u jipproduċu prodotti li huma effiċjenti fl-użu ta' l-enerġija ser ikollu riżultati ta' suċċess, sakemm din is-sistema tmur id f'id ma' suq effettiv u sostantiv u ma' sorveljanza ta' prodotti simili għal dik imwettqa fis-settur tal-makkinarju. Din l-azzjoni ta' sorveljanza għandha tiġi interpretata bħala garanzija għall-produtturi għaqlin li ma jarawx qligħ mill-investiment tagħhom fl-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija u tiġi rakkomandata lill-awtorità reġjonali inkarigata.

4.2.1

It-tikkettar huwa prattika tajba, li għandha titħeġġeġ u tiġi adottata għal kemm jista' jkun prodotti, u estiża għas-setturi awtomotivi u tal-bini mingħajr dewmien. Il-KESE jappoġġja l-proposta u jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex l-14-il prodott imsemmija jsiru soġġetti għal standards minimi ta' prestazzjoni ta' l-enerġija, b'attenzjoni partikulari għas-segmenti speċifiċi tas-suq, sabiex tiġi evitata sistema regolatorja ġdida li jkollha effett ta' distorsjoni fuq il-kompetizzjoni. Għandhom jiġu identifiakti prodotti oħra ta' użu finali li għandhom isiru soġġetti għal standards minimi. Il-KESE japprova l-prijorità mogħtija lit-tnaqqis ta' l-użu ta' l-enerġija fil-modi “stand-by” u “sleep” u jqis din l-azzjoni bħala importanti ħafna peress li tista' tnaqqas il-konsum f'dawn il-modi sa 70 % billi tnaqqas in-numru ta' għodod fl-użu. Il-KESE jħoss li l-ftehim ta' l-Istilla ta' Enerġija għandu jagħmel r-reġistrazzjoni mandatorja fl-UE (kif inhi fl-Istati Uniti) għal sejħiet b'offerta għax-xiri ta' tagħmir għall-uffiċċju u “jistenna lill-Kummissjoni li tagħti l-eżempju” (4). Ftehim ta' dan it-tip għandu jiġi negozjat ukoll ma' produtturi oħra ewlenin mill-Ażja tal-Lvant, li issa jagħmlu parti importanti mis-suq ta' l-għodod elettroniċi.

4.2.2

Fil-qasam ta' l-għodod tad-dar, minħabba n-nuqqas ta' proċeduri rapidi għall-verifikazzjoni ta' l-eżatezza tat-tikketti u l-penalizzazzjoni ta' l-abbuż, hemm il-periklu li intrapriżi b'intenzjoni tajba jinvestu fl-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija ser jiġu penalizzati, filwaqt li prodotti li ma jikkonformawx ser jitħallew jidħlu fis-suq. Is-sostituzzjoni ta' għodod antiki tad-dar (fejn huwa stmat li fl-Ewropa għadhom qegħdin jintużaw madwar 200 miljun għodda li għandhom iktar minn 10 snin) għandha titħeġġeġ, u din iġġib magħha iktar iffrankar; għodod li m'humiex effiċjenti fl-użu ta' l-enerġija jew skaduti m'għandhomx jitħallew jidħlu fis-suq tal-prodotti użati tal-pajjiżi li għadhom qegħdin jiżviluppaw. Għandu jiġi assigurat li inizjattivi li jiffinanzjaw ix-xiri ta' l-għodod tad-dar jiġu riservati għall-prodotti li huma effiċjenti fl-użu ta' l-enerġija.

4.2.2.1

B'rabta ma' dan, għandu jiġi enfasizzat li, filwaqt li tirrifjuta li tikkonforma mal-kodiċi volontarju ta' awtoregolamentazzjoni, l-industrija ta' l-għodod elettriċi qiegħda tiddikjara l-ħtieġa għal miżuri vinkolanti sabiex jiġi regolat is-suq. In-nuqqas ta' penali għall-produtturi u l-importaturi mingħajr skrupli li jikklassifikaw il-prodotti bħala Klassi A li ma jikkonformawx mal-miżuri stabbiliti li jiffrankaw l-enerġija, fil-prattika għen iċ-ċirkolazzjoni fis-suq ta' għodod ta' konsum enerġetiku baxx li huma foloz. In-nuqqasijiet ikkundannati mill-intrapriżi Ewropej, li qegħdin isejħu għal “regoli”, għadhom, madankollu, sors ta' tħassib fir-rigward ta' l-effikaċja tal-ftehimiet volontarji.

4.2.3

Jista' jinkiseb iffrankar konsiderevoli fis-settur tal-bini, u llum huma disponibbli wkoll materjali, metodi ta' kostruzzjoni u forom ta' tisħin alternattivi, bħalma huma l-kaldaruni li jikkondensaw, li jistgħu jiksbu ffrankar tal-karburant ta' bejn 6 % u 11 % billi jerġgħu jużaw is-sħana li normalment tixxerred. L-użu ta' l-arja kondizzjonata jista' jitnaqqas billi jitqiegħdu barrieri għax-xemx fuq il-barra tal-bini, peress li barrieri interjuri għax-xemx jipprovdu ħarsien kontra d-dawl iżda jippreservaw ħafna mill-enerġija tas-sħana. Djar passivi, per eżempju, huma djar li ma jużawx iktar minn 15 kWh għal kull metru kwadru fis-sena (sajf-xitwa) għall-konsum bażiku: tkessiħ, tisħin. Il-konsum total (suffiċjenza) u l-limitu tal-konsum bażiku għandu jiġi indikat ukoll, kalkolat bis-sħiħ (dawl, għodod domestiċi — effiċjenza+suffiċjenza), inklużi x-xuttar u l-ħasil (ix-xuttar ta' 1 kg ta' ħasil jista' juża tlieta jew erba' darbiet l-enerġija meħtieġa għal ħasla waħda. Billi l-konsum ta' l-enerġija jista' jitnaqqas b'suċċess minn medja ta' 180 kWh għal kull metru kwadru fis-sena għal madwar 15 kWh għal kull metru kwadru fis-sena, jista' jsir iffrankar sa 90 % (22 dar, raħal tad-djar passivi Wiesbaden 1997, konsum medju ta' 13.4 kWh għal kull metru kwadru fis-sena; 32 djar passivi, Kronsberg 1998, konsum medju ta' 14.9 KWh għal kull metru kwadru fis-sena). It-tnedija ta' suq Ewropew għal dan it-tip ta' prodott għandu jitħeġġeġ, sabiex dawn it-teknoloġiji jsiru disponibbli b'mod imferrex, bi prezzijiet aċċessibbli.

4.2.4

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għall-investiment pubbliku fl-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija f'bini soċjali u pubbliku, flimkien ma' l-użu ta' sorsi rinnovabbli, b'mod partikulari fl-Istati Membri l-ġodda fejn hemm il-potenzjal għal riżultati sostanzjali fl-iffrankar ta' l-enerġija. B'żieda ma' programmi li jarmonizzaw il-leġislazzjoni u jiżviluppaw it-taħriġ għall-ispeċjalisti, il-KESE jsejjaħ għal parti tal-Fondi strutturali sabiex jiġu identifikati għal dan il-għan. L-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej għandhom jitħeġġu sabiex jinkoraġixxu l-investiment fil-modernizzar ta' l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija fil-bini.

4.2.4.1

Djar fil-veru sens tal-kelma passivi għandu jkollhom karatteristiċi partikulari ta' kostruzzjoni (insulazzjoni ottima fil-ħitan u l-art, kanali ta' pre-ventilazzjoni għad-dħul ta' arja friska taħt id-dar), li jrendu diffiċli u għalja l-adattar tal-bini eżistenti għal dan l-istandard. Dan jindika li wieħed għandu jiffoka fuq l-assigurazzjoni li l-biċċa l-kbira tal-bini l-ġdid, speċjalment bini pubbliku — li għalih għandhom jiddaħħlu bil-mod regoli vinkolanti — jilħqu l-istandard tad-dar passiva. Huwa ferm importanti wkoll, li s-soluzzjonijiet ta' l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija tad-djar passivi jiġu adottati konsiderevolment meta jitwettaq xogħol ta' tiswija jew manutenzjoni f'bini privat u dan jista' jiġi appoġġjat ukoll permezz ta' fondi li jistgħu jerġgħu jintużaw, b'rati ta' l-interessi baxxi. Għandu jitfakkar li l-maġġoranza tal-bini li ser ikun użat fl-2020 huwa diġà lest. Fir-rigward tal-kiri ta' proprjetà, il-kwistjoni għandha tiġi indirizzata ta' kif l-investiment qawwi fl-iffrankar ta' l-enerġija fil-bini residenzjali jista' jkun finanzjarjament vijabbli għas-sidien, peress li huma l-kerrejja li s-soltu jibbenefikaw b'mod dirett.

4.2.4.2

Fir-Rapport dwar l-Evalwazzjoni ta' l-Impatt SEC (2006) 1175, il-Kummissjoni tikkalkola li ffrankar ta' 140 miljun tunnellata ta' ekwivalenza taż-żejt jista' jsir billi tiġi emendata d-Direttiva dwar il-prestazzjoni ta' l-enerġija tal-bini (2002/91/KE), li tbaxxi l-limiti minn 1 000 m2 għall-ħtiġijiet minimi (issaħħaħhom għall-bini pubbliku) u billi tiġi applikata l-iskema taċ-ċertifikati bojod b'mod usa'. Il-KESE huwa mħasseb li din il-mira tista' tkun ambizzjuża wisq għall-perijodu l-qasir (5). Il-KESE jemmen li l-Istati Membri għandhom jadottaw strumenti uniformi sabiex ikejlu l-impatt tar-regolamenti (eż. il-kwalità ta' l-insulazzjoni tas-sħana) u li għandu jkun obbligatorju għalihom lil jadottaw miżuri adattati għall-monitoraġġ. (Ara d-diskrepanzi bejn per eżempju, Franza, fejn hemm ftit monitoraġġ u l-Fjandri, fejn il-monitoraġġ huwa strett ħafna.) Il-Kunsill u l-Parlament għandhom jevalwaw jekk hemmx bażi legali għall-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni sabiex toħroġ regolament dwar is-suġġett minflok id-direttiva l-ġdida, sempliċement b'revoka tad-Direttiva 2002/91 wara l-2009.

4.2.4.3

Teżi li ġiet ippubblikata reċentement (6) tenfasizza illi:

“1.

Meta jittejjeb l-użu fl-effiċjenza ta' l-enerġija ta' bini eżistenti — kemm jekk għal finijiet residenzjali, kummerċjali jew edukattivi — m'huwiex dejjem possibbli li tintlaħaq il-mira ta' bini b'użu baxx ta' l-enerġija bħad-djar passivi.

2.

Sabiex isseħħ din it-tip ta' operazzjoni hemm bżonn ta' investiment li jista' jkun ta' piż kbir fuq l-individwu: wisq probabbli, l-idea ta' l-iktar investiment potenzjalment remunerattiv ser titwarrab, meta l-mezzi finanzjarji ma jkunux disponibbli.

3.

Sabiex jinkisbu l-livelli ta' l-użu ta' l-enerġija ta' djar passivi permezz ta' insulazzjoni aħjar, hemm bżonn ta' ħiliet tekniċi speċifiċi li m'humiex tat-tip li ma jinkisbux. Dawn il-prinċipji għandhom jiġu applikati mhux biss fl-istadju tat-tfassil iżda wkoll, l-iktar importanti, fl-istadju ta' l-operat.

4.

L-applikazzjonijiet li għalihom tintuża l-enerġija jilħqu l-ħtiġijiet primarji ta' l-utenti, u huwa ċar li m'humiex flessibbli: saħansitra varjazzjonijiet qawwija fil-prezzijiet ta' l-enerġija ma jwasslux għal bidliet daqstant qawwija fl-imġiba fil-perijodu l-qasir. Il-limitazzjoni ta' l-użu ta' l-enerġija jew it-tfittxija ta' sorsi alternattivi ta' l-enerġija huma reazzjonijiet ex-post billi n-nies jaġġustaw għal bilanċ ġdid fil-perijodu fit-tul, iżda passi bħal dawn iġibu biss titjib ċkejken fl-elastiċità tal-kurva tad-domanda ta' l-enerġija.”

4.2.4.4

L-istampa li toħroġ minn din l-analisi hija li insulazzjoni ħoxna (minn ta' l-inqas 16-il ċm) dejjem ser trodd il-qligħ fuq investiment magħmul sabiex tinkiseb il-mira tad-dar passiva, speċjalment fir-rigward tal-bini konvenzjonali. Mil-lat operazzjonali, l-insulazzjoni sħiħa tal-bini hija iktar importanti minn miżuri oħra, filwaqt li analisi aggregata tal-miżuri tippermetti li jiġi ottimizzat il-Valur Nett Preżenti ta' l-investiment.

4.2.5

Fir-rigward ta' ċertifikati bojod, l-esperjenza pożittiva tal-pajjiżi li introduċewhom ittaffiet bid-dewmien fl-innovazzjoni industrijali f'ċerti pajjiżi ta' l-UE. Fil-fatt, skema effettiva taċ-ċertifikati bojod teħtieġ miri realistiċi f'termini ta' potenzjal tekniku u ekonomiku, medda wiesa' ta' għażliet għall-ksib tal-miri (setturi, proġetti, atturi, spejjeż), garanzija ta' ħidma tas-suq adattata (struttura ta' domanda u provvista, kondizzjonijiet periferali), regoli ċari, trasparenti, non-diskriminatorji b'effett ta' semplifikazzjoni (kondizzjonijiet dwar l-aċċess għas-suq, regoli tas-suq) u penali adattati. Dawn il-prerekwiżiti tnedew fis-suq potenzjali Ewropew taċ-ċertifikati bojod? It-tixrid potenzjali, madankollu, għandu jitwettaq bil-prudenza neċessarja.

4.3

It-telf fil-fażi tat-trasformazzjoni huwa ekwivalenti għall-konsum bażiku totali fil-bini residenzjali u l-industrija, 33 %, jiġifieri 'l fuq minn 580 miljun tunnellata f'ekwivalenza taż-żejt. Il-KESE jemmen li dan għandu jkun, b'mod ċar, qasam ewlieni ta' azzjoni. It-telf waqt it-trasmissjoni fuq distanza twila huwa fattur ewlieni. Qasam li ċertament jistħoqqlu l-iżvilupp huwa dak tal-linji ta' trasmissjoni moderni ta' vultaġġ qawwi b'kurrent kontinwu, fejn 3 % biss tad-dawl jista' jintilef għal kull 1 000 kilometru ta' grid. Apparti milli ġġib iffrankar konsiderevoli, din it-teknoloġija telimina l-effetti elettromanjetiċi tat-trasmissjoni ta' kurrent li jalterna; kif tagħmel l-emissjoni tas-sinjali elettromanjetiċi ELF assoċjati mat-trasmissjoni ta' kurrent li jalterna. It-teknoloġija attwali diġà tagħmel dan it-tip ta' trasmissjoni ekonomikament vijabbli fuq distanzi twal (ilhom jintużaw għal għexieren ta' snin fl-Isvezja, l-Istati Uniti u fil-kostruzzjoni madwar id-dinja kollha), filwaqt li għal distanzi qosra trid titqies l-ispiża ta' sistemi ta' konverżjoni ta' kurrent li jalterna b'vultaġġ baxx għall-użu lokali, li għadha għalja. Proġetti speċifiċi ta' riċerka għandhom iħeġġu l-isforzi għat-tnaqqis ta' dawn l-ispejjeż (7).

4.3.1

Qasam ieħor li fih għandha tittieħed l-azzjoni huwa l-appoġġ għat-teknoloġija ta' l-enerġija mis-sħana tax-xemx, li tista' tiġi introdotta fil-pajjiżi ta' l-Euromed, fejn iż-żoni kbar tagħhom tad-deżert huma kontinwament esposti għar-raġġi tax-xemx. Rapport reċenti kkummissjonat mill-Ministeru għall-Ambjent tar-Repubblika Federali Ġermaniża jenfasizza r-rwol ewlieni ta' din it-teknoloġija żviluppata mir-rebbieħ Taljan tal-Premju Nobel, Rubbia, li qiegħda tiġi pilotjata attwalment fi Granada. Enel, b'kollaborazzjoni ma' Enea, reċentement nediet proġett li japplika, għall-ewwel darba fid-dinja, l-integrazzjoni ta' ċiklu konġunt ta' gass u impjant termodinamiku tas-sħana tax-xemx. Permezz ta' l-utilizzazzjoni ta' teknoloġija innovattiva u esklussiva elaborata minn Enea, Archimede jipproduċi l-enerġija elettrika mis-sħana tax-xemx b'mod kostanti. Huwa proġett li madankollu għandu karatteristiċi oħra li huma uniċi fid-dinja, li fil-fatt ser ikollu ħames brevetti ġodda, bħal per eżempju t-tidwib maħlul, il-likwidi li jipproduċu l-emissjonijiet ta' sħana li minnhom issir l-enerġija. Dawk użati s'issa setgħu jissaħnu sa 300 grad. Dawn tal-proġett Archimede jistgħu jissaħnu sa 550, l-istess temperatura tal-gass tal-fossili, li tippermetti l-integrazzjoni maċ-ċentrali tradizzjonali, u b'hekk, tikkontribwixxi sabiex tiġi garantita l-istabilità tas-sistema ta' l-enerġija.

4.3.2

Il-KESE jirrakkomanda li l-istituzzjonijiet Ewropej jagħmlu sforzi sostanzjali f'dawn l-oqsma, billi jadottaw miżuri speċifiċi sabiex jappoġġjaw l-iżvilupp ta' enerġija mis-sħana tax-xemx.

4.3.3

Il-ġenerazzjoni konġunta tas-sħana u l-elettriku, kemm jekk tuża s-sħana li jkun fadal mill-produzzjoni ta' l-elettriku għat-tisħin jew mill-użu ta' tas-sħana li jkun fadal (eż. fil-fran) għall-produzzjoni ta' l-elettriku, tista' twassal għal żieda enormi fl-effiċjenza fl-użu tal-karburant, minn madwar 35 % sa 70 %. L-ispejjeż addizzjonali għall-maniġers tal-grids, li jinħolqu mill-ġenerazzjoni mxerrda u tixrid attiv għandhom jitqiesu, u l-investimenti neċessarji għandhom jitħeġġu, li jirriflettu l-kondizzjonijiet bażiċi differenti fl-Istati Membri wkoll. Il-KESE jappoġġja x-xewqa tal-Kummissjoni li tiżviluppa impjant CHP ta' livell għoli ta' effiċjenza, minkejja li l-introduzzjoni ta' qafas regolatorju għall-metodi ta' kalkolu ġie pospost sa l-2010 u qegħdin jinħarġu Garanziji ta' l-Oriġinu li l-konformità tagħhom mal-ħtiġijiet minimi mhux dejjem tista' tiġi kkonfermata. Il-KESE jixtieq ikun jaf jekk huwiex possibbli li jiqsaru l-iskadenzi għall-armonizzazzjoni tal-metodi ta' kalkolu, sabiex ikun jista' jiġi żviluppat suq intern ta' l-impjant CHP: il-leġislazzjoni differenti f'pajjiżi differenti bħalissa qiegħda tfixkel dan il-għan. Kull Stat Membru għandu d-dritt li jagħżel il-metodi ta' kalkolu tiegħu stess sabiex jevalwa l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija ta' l-impjant u jġibhom f'konformità mas-sistema Komunitarja, li għandha taqbel mad-dispożizzjonijiet tad-direttiva. Madankollu, fil-prattika dan ma jseħħx u r-riżultati għall-impjant ivarjaw ħafna meta jkunu soġġetti għall-metodi ta' kalkolu ta' Stati Membri differenti. L-armonizzazzjoni hija għodda effettiva għall-ġlieda kontra l-frodi wkoll. L-isforzi ta' l-UE għandhom jissaħħu, billi r-riżultati ta' l-ewwel spezzjoni fil-21 ta' Frar ma jikkonformawx ma' l-objettivi strateġiċi, kif jista' jintwera mir-rapporti ta' evalwazzjoni mressqa mill-Istati Membri dwar il-progress li sar fl-iżvilupp ta' CHP b'ħarsa lejn żieda fil-proporzjon ta' l-elettriku prodott b'dan il-mod.

4.3.4

Il-COPs (koeffiċjenti ta' prestazzjoni), jiġifieri il-proporzjon bejn il-ħruġ ta' enerġija li tkessaħ u d-dħul ta' l-enerġija li ssaħħan, għal dawn l-impjanti huma partikularment notevoli. Meta mqabbla ma' COP ta' 2.0 għal unitajiet konvenzjonali, dawn l-impjanti jiksbu COP ta' 0.7-1.3 jiddependi mis-sħana użata (8). Riġeneraturi ta' l-iskart ta' l-injam diġà jinsabu fis-suq: dawn jistgħu jużaw frott (għadam, qxur) u prodotti agrikoli (tifdil ta' żebbuġ, ċifċiegħ tal-qamħirrun) għall-ipproċessar, serratura ta' l-injam u skart ieħor ta' l-iproċessar ta' l-injam, fergħat mejta, zkuk, ħliefa tal-kafè, skart tal-palm, skart industrijali u skart ta' l-imballaġġ. 100 kg ta' dan l-iskart jipproduċi 70 kW ta' enerġija elettrika kontinwa (80 fil-quċċata) u 130 kW ta' tisħin u tkessiħ. Tunnellata ta' skat ta' l-injam li jiswa Eur 70 jissostitwixxi 160 litru tad-diżil li jiswa EUR 175.

4.3.5

Il-Kumitat huwa ferm favur it-tnedija ta' kampanja u miżuri varji sabiex jiġi limitat l-użu ta' l-imballaġġ tal-prodotti li għandu jkun jiġi riċiklat. L-enerġija użata fil-produzzjoni ta' l-imballaġġ li mbagħad jintrema hija eċċessiva, peress li l-biċċa l-kbira ta' dan l-imballaġġ m'huwiex bijodegradabbli u huwa kawża serja tat-tniġġis.

4.4   It-tħaddim tas-suq

4.4.1

Attwalment, is-suq ta' l-enerġija m'huwiex qiegħed jutilizza l-potenzjal kollu tiegħu għall-effiċjenza u hemm bżonn ta' iktar trasparenza fl-effiċjenza ta' l-użu ta' l-enerġija ta' l-impjanti ta' l-elettriku u fit-telf tan-netwerks tat-trasmissjoni. Is-swieq tal-gass u ta' l-elettriku għadhom m'humiex liberalizzati kompletament. F'ċerti każijiet, in-nuqqas ta' trasparenza fl-istabbiliment tal-prezzijiet u fil-proċess ta' liberalizzazzjoni nnifsu huwa barriera għal politika ġenwina ta' l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija. B'rabta ma' dan, ikun adattat li jissaħħaħ il-kunċett tas-separazzjoni legali ta' l-intrapriżi li jiġġestjonaw il-monopolji tekniċi minn ma' dawk li joperaw taħt sistema ta' kompetizzjoni ħielsa, kif inhu stabbilit mid-direttivi dwar il-liberalizzazzjoni tas-swieq ta' l-elettriku u l-gass rispettivament (Direttiva 2003/54/KE u Direttiva 2003/55/KE), flimkien mal-ħtieġa iktar stretta tas-separazzjoni tas-sjieda.

4.4.2

Il-politika ta' l-ipprezzar tas-settur għandha trawwem l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija u l-iffrankar, partikularment fir-rigward tal-karburanti fossili, u tħeġġeġ ir-riżorsi rinnovabbli. Għandha tingħata kunsiderazzjoni partikulari lill-gruppi ta' konsumaturi vulnerabbli, skond il-prinċipju li għandha tiġi ggarantita d-disponibilità ta' enerġija neċessarja għall-konsum bażiku u li madankollu jinżamm l-interess ekonomiku għall-iffrankar ta' l-enerġija: per eżempju, jista' jkun konvenjenti li jiġu ggarantiti t-tariffi soċjali għall-persuni bi dħul baxx, iżda biss sa data ta' konsum limitata, jew inkella familji bħal dawn jistgħu jingħataw appoġġ finanzjarju.

4.4.3

Skema utli sabiex jitqanqal l-iffrankar ta' l-enerġija hija l-introduzzjoni ta' miters elettroniċi, li jipprovdu sistema ta' ġestjoni remota tat-tqassim ta' l-enerġija li tottimizza l-ġestjoni tal-piż tal-grid. Skond l-Enel (l-ikbar provveditur ta' l-elettriku fl-Italja), li pprovda lill-30 miljun klijent tiegħu b'miters elettroniċi mingħajr ħlas, l-organizzazzjoni sistematika ta' l-użu ta' l-enerġija, imqanqla mhux biss minn politika ta' l-ipprezzar immirata, twassal għall-isfruttar tal-produzzjoni, partikularment fil-ħinijiet ta' inqas konsum. Miters elettroniċi jgħinu sabiex iqajmu kuxjenza ta' l-utent finali dwar il-konsum tiegħu u jħeġġu użu iktar intelliġenti tar-riżorsi. Dan huwa rikonoxxut bħala strument ta' effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija fil-kuntest tad-direttivi “Energy Services” u “Security of Supply” .

4.4.4

Il-mudell tal-ġenerazzjoni mqassma (jiġifieri fejn hemm ħafna produtturi differenti, xi wħud żgħar ħafna) huwa problematiku, għal diversi raġunijiet, f'termini ta' proċeduri għall-operat ta' netwerks ta' vultaġġ medju u baxx, li huma ddisinjati biss għall-fluss f'direzzjoni waħda. Hemm bżonn ta' investiment qawwi sabiex in-netwerks jikkonformaw ma' metodi ġodda ta' produzzjoni. Huwa ċar li l-produzzjoni deċentralizzata tiddetermina telf żgħir fil-fażi tat-trasmissjoni, iżda l-investimenti neċessarji huma ħafna iktar ogħla u barraminhekk jiltaqgħu ma' ħafna reżistenza mill-parti tat-territorji sabiex jiġbru saħansitra ċentrali żgħar.

4.5

Is-settur tat-trasport għamel sforzi kbar sabiex inaqqas l-użu ta' l-enerġija u l-emissjonijiet li jniġġsu, iżda għandu raġun li jsejjaħ għal sforzi addizzjonali, peress li huwa s-settur bl-ogħla rata ta' tkabbir f'termini ta' l-użu ta' l-enerġija u huwa sors ta' gassiijiet b'effett ta' serra: l-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport bit-triq għolew b'26 % bejn l-1990 u l-2004. Il-fatt li l-industrija Ewropea tiddependi fuq pajjiżi terzi għall-karburant tat-trasport (li 98 % minnu huwa karburant fossilu) iżid ir-responsabilità li għandha tagħmel kontribuzzjoni ewlenija lejn l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija u fit-tnaqqis ta' l-emissjonijiet u fl-importazzjoni ta' prodotti tal-gass u taż-żejt.

4.5.1

Il-Kummissjoni bagħtet sinjal qawwi lis-suq bid-deċiżjoni reċenti tagħha li tfassal leġislazzjoni dwar il-mira ta' 120g ta' CO2, tikkettar għat-tajers tat-triq u standards speċifiċi għar-reżistenza ta' rrumblar, u l-bidliet fil-ħtiġijiet li jiggvernaw il-karburanti, taħlit ta' petrol b'livelli għoljin ta' l-etanol, bijokarburanti, karburant b'livell baxx ta' karbonju u diżil b'kontenut baxx ferm ta' kubrit (sulphur). Bejn l-2011 u l-2020, il-provvedituri tal-karburant fl-UE ser ikollhom jiksbu tnaqqis ta' 10 % fl-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra li jipproduċu l-karburanti tagħhom meta jiġu rfinati, trasportati u użati. B'dan it-tnaqqis ser jiġu ffrankati 500 miljun tunnellata ta' emissjonijiet ta' dijossidu karboniku sal-2020. Ir-raġuni wara din id-deċiżjoni kienet il-fatt li l-emissjonijiet waqgħu minn 186 CO2 km għal 163 CO2 km, jiġifieri bi 12.4 % biss, bejn l-1995 u l-2004, b'żieda qawwija fil-medja ta' l-enerġija, fir-rigward li huwa iktar diffiċli li jitnaqqsu l-emissjonijiet. Din l-inkongruwenza tissuġġerixxi li jista' jkun utli li jiżdiedu t-taxxi fuq il-vetturi ta' lussu li m'humiex effiċjenti fl-użu ta' l-enerġija kif ġara f'ċerti Stati Membri. Il-Kummissjoni tistima li l-emissjonijiet CO2 ser jonqsu b'400 miljun tunnellata addizzjonali sa l-2020. L-ACEA, l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Manifatturi tal-Karozzi, għamlet sejħa sabiex it-tnedija tal-proċess titbiddel mill-2012 għal ta' l-inqas l-2015, u għall-parteċipazzjoni ta' l-atturi kollha, skond ir-rakkomandazzjoni tal-Grupp ta' Livell Għoli, “Cars 21”.

Il-manifatturi Ewropej iħossu li, sakemm ma jmorrux id f'id ma' l-ippjanar fit-tul li jissostitwixxu l-mudelli, dawn il-miżuri ser ifissru spejjeż li m'humiex sostenibbli għall-intrapriża Ewropea.

4.5.2

Il-KESE josserva li s-sostituzzjoni fuq skala kbira ta' karburanti fossili bi bijokarburanti ser iġġib magħha r-riskju li l-produzzjoni tal-karburant ser tiġi f'kompetizzjoni mal-produzzjoni ta' l-ikel fir-rigward ta' l-allokazzjoni ta' art għammiela għal użi differenti. Il-prezz ta' l-ikel jista' mbagħad jogħla sabiex jilħaq il-prezz tal-produzzjoni ta' l-enerġija, li min-naħa tagħha timxi mal-prezzijiet tal-karburanti fossili, li effettivament ser tpoġġi lis-sewwieqa min-nord f'kompetizzjoni (9) man-nies li jbatu l-ġuħ fis-sud. Tinħoloq problema ġenwina ta' l-etika minn dan il-użu bħala karburant fil-pajjiżi fin-naħa ta' fuq tar-riżorsi agrikoli li jistgħu jsalvaw miljuni ta' nies fin-naħa t'isfel li għadu fit-triq ta' l-iżvilupp. L-uċuħ kollha tal-qamħirrum prodotti f'Iowa jistgħu jintużaw għall-produzzjoni ta' l-etanol. Jekk nikkunsidraw li tank ta' 25 gallun ta' SUV jżomm 94.5 litru, li huwa ekwivalenti għal porzjon ta' ikel ta' persuna waħda għal sena, il-kwistjoni ssir tanġibbli u ssejjaħ għal xi tip ta' tweġiba. Il-KESE dalwaqt ser joħroġ opinjoni dwar dan is-suġġett speċifiku (10).

4.5.3

Il-KESE jinnota, li l-Kummissjoni qiegħda kemm tħeġġeġ ftehimiet volontarji kif ukoll tħabbar miżuri mandatorji. Il-Kummissjoni stess tirrikonoxxi r-rwol ewlieni ta' l-awtoregolamentazzjoni peress li l-miri jistgħu jintlaħqu iktar malajr u b'mod iktar kost-effettiv milli bi ħtiġijiet legali. Ftehimiet volontarji jista' jkollhom vantaġġi fuq ir-regolamentazzjoni. Dawn jistgħu jiġu implimentati malajr u b'mod kost-effettiv u b'hekk iġibu progress rapidu. Huma flessibbli u jistgħu jikkonformaw ma' għażliet teknoloġiċi u tendenzi fis-suq. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni sabiex tħares b'attenzjoni lejn ir-raġunijiet għall-progress dgħajjef fir-restrizzjoni ta' l-emissjonijiet CO2 fl-industrija awtomotiva Ewropea, li hija mexxejja fir-rigward ta' l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp. Il-KESE jaqbel ma' l-istqarrija tal-Kummissjoni li standards vinkolanti mhux dejjem jippermettu li l-potenzjal tar-riċerka jiġi żviluppat bis-sħiħ u li jistgħu jfixklu l-progress fis-soluzzjonijijet li għandhom jiġu adottati.

4.5.4

L-industrija tal-bini għandha rwol kruċjali x'taqdi fl-implimentazzjoni ta' l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija kemm fil-bini l-ġdid kif ukoll fl-adattament ta' bini eżistenti. Iżda f'bosta pajjiżi l-industrija damet ħafna sabiex tadatta għal metodi aktar effikaċi u rreżistiet l-impożizzjoni ta' standards ogħla. Hemm bżonn li jsir sforz kbir sabiex jiġu edukati mill-ġdid dawk kollha kkonċernati fl-industrija dwar il-ħtieġa u l-fattibilità ta' standards ogħla, u sabiex jiġu pperswaduti li għandhom ikunu dejjem fuq ta' quddiem nett fit-tnedija ta' standards ta' effiċjenza aħjar minflok ma jirreżistu l-bidla. Id-disinjaturi, il-maniġers u l-persuni li jaħdmu fl-artiġjanat fis-snajja kollha differenti fis-settur tal-bini għandhom bżonn ta' taħriġ ġdid dwar x'jista' jinkiseb fl-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija u inċentivi ġodda sabiex jinkisbu dawn il-livelli.

4.6

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-inċentivi u l-istrateġiji ta' ffinanzjar u taxxa proposti mill-Kummissjoni, b'mod partikulari li jinvolvu l-BEI u l-BERŻ. Huwa jappoġġja wkoll passi li jżidu l-kuxjenza fis-settur bankarju Ewropew tal-bżonn li jiġi pprovdut appoġġ finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija. It-tneħħija tal-barrieri legali li għad baqa' għall-kumpaniji li jipprovdu soluzzjonijiet ta' effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija (ESCOs) huwa partikularment importanti għal dan il-għan.

4.6.1

Il-KESE jsejjaħ sabiex tinżamm konferenza ddedikata għall-iffinanzjar ta' l-effiċjenza ta' l-użu ta' l-enerġija sabiex titqajjem kuxjenza fost il-partijiet interessati u sabiex is-settur bankarju Ewropew jitħeġġeġ sabiex jieħu sehem fi proġett ewlieni sabiex tiġi modernizzata l-ekonomija Ewropea. Il-banek jistgħu jieħdu sehem f'tip ta' sfida għall-millennju, bi premijiet għal dawk li jkunu adottaw l-aħjar soluzzjonijiet għall-iffinanzjar ta' l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija.

4.7

Fil-fehma tal-KESE, kampanji sabiex titqajjem kuxjenza fost iċ-ċittadini huma essenzjali; jistgħu jiġu żviluppati minn awtoritajiet nazzjonali u lokali, manifatturi u provvedituri ta' l-enerġija. Ir-rwol ta' l-awtoritajiet reġjonali bħala mezzi tax-xandir “imparzjali” li jittrasmettu informazzjoni lill-pubbliku għandu jiġi enfasizzat. Għandha ssir pubbliċità wiesgħa tar-riżultati ta' suċċess ta' l-inizjattivi għall-iffrankar ta' l-enerġija. Ir-reklamar għandu jippromovi l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija u r-rispett għall-ambjent bħala kwalitajiet li ġenwinament jiddefinixxu l-prodotti, sabiex titħeġġeġ fehma iktar adattata ta' x'jikkostitwixxi s-simboli ta' l-istatus, li attwalment huma ta' sikwit assoċjati wisq ma' prodotti li m'humiex effiċjenti fl-użu ta' l-enerġija meta fil-fatt jintużaw. Il-KESE jappoġġja l-ħolqien tal-“Patt tas-Sindki” iżda jħoss li l-mira li jinġabru l-20 belt Ewropew ewlenin m'hijiex ambizzjuża biżżejjed. Il-mira għandha tkun ħafna ogħla u l-kompetenza lokali għandha tintuża b'mod iktar effettiv. Mod eċċellenti li jgħaqqad lill-amministraturi lokali inkarigati mill-politika tat-trasport urban ma' dawk inkarigati mill-attivitajiet fid-distretti li għandhom impatt dirett fuq il-pubbliku, ikun li jitnieda portal għall-iskambju ta' l-esperjenza bejn il-bliet ta' l-UE, fejn jgħixu 'l fuq minn 80 % tal-popolazzjoni ta' l-UE. L-għotja ta' “ċertifikati ta' muniċipalità effiċjenti fl-użu ta' l-enerġija” (l-ewwel ċertifikat ingħata lil muniċipalità żgħira Taljana: Varese Ligure) hija mingħajr dubju inċentiv ewlieni sabiex l-awtoritajiet lokali jadottaw politiki ta' effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija. Il-Kummissjoni tista' tniedi wkoll “Kompetizzjoni Ewropea ta' l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija” fost l-iskejjel Ewropej, bi premijiet għal dawk li joħorġu bl-iktar soluzzjonijiet effettivi li jikkombinaw l-iffrankar mal-kwalità.

4.7.1

Il-KESE jiddispjaċih li l-Pjan ta' Azzjoni ma jqisx ir-rwol ewlieni li għandhom jaqdu l-imsieħba soċjali u d-djalogu soċjali fil-livelli kollha fl-evalwazzjoni, il-promozzjoni u l-iżvilupp ta' politiki ta' l-iffrankar ta' l-enerġija. Il-KESE jsejjaħ lill-Kummissjoni sabiex tieħu passi sabiex tħeġġeġ l-inkorporazzjoni tal-kwistjonijiet tas-sostenibilità ambjentali fil-livelli varji ta' l-istrutturi eżistenti tad-djalogu soċjali, partikularment fid-djalogu settorjali u fil-Kunsill għax-xogħolijiet Ewropew. Approċċ relatat max-xogħol, it-titjib fil-kwalità ta' informazzjoni pprovduta lill-impjegati u l-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema, jistgħu jaħsdu benefiċċji kbar f'termini ta' effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija, billi jitqiesu l-proċessi u t-teknoloġiji ġodda fl-industrija, il-kwistjonijiet tal-mobilità tal-ħaddiema, ir-riċiklaġġ u x-xogħol mid-dar, biex insemmu biss dawk li huma l-iktar importanti: huwa għalhekk assolutament essenzjali li r-rappreżentanti tal-ħaddiema jieħdu sehem fl-istrateġiji ta' l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija. Qasam potenzjali li jista' jiġi diskuss mill-imsieħba soċjali huwa l-ftehimiet kollettivi li, fuq il-bażi ta' sħubijiet ġenwini, iqassmu fost il-ħaddiema parti mill-iffrankar li jsir f'intrapriża. L-organizzazzjonijiet tat-trade unions għandhom rwol ewlieni x'jaqdu fit-titjib ta' l-għarfien u l-kuxjenza fil-livell Ewropew u nazzjonali, li jgħin fit-tixrid ta' l-aħjar prattiċi.

4.7.2

Huwa importanti li l-kwistjoni ta' l-iffrankar ta' l-enerġija tmur id f'id ma' prattiċi tajbin tar-responsabilità soċjali korporattiva, partikularment fl-organizzazzjonijiet multi-nazzjonali, fejn hemm bżonn ta' djalogu soċjali iktar intensiv sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet kollha relatati ma' l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija; dawn ser jgħinu sabiex isir progress fid-definizzjoni ta' strateġija Ewropea għall-użu moderat tal-karbonju, fil-kuntest li l-effetti kollha li huma ħżiena għas-saħħa, bħat-trab fin, li jikkostitwixxu emerġenza f'ħafna bliet Ewropej. It-tixrid tal-prattiċi tajbin, bħall-esklużjoni tal-karbonju mill-istamperiji, jew inizjattivi oħra, jikkontribwixxu lejn tqajjim ta' kuxjenza u mġiba pożittiva lejn il-politiki sostenibbli.

4.8

Id-dimensjoni internazzjonali tal-kwistjoni taż-żieda fl-intensità ta' l-użu ta' l-enerġija hija enfasizzata sew mill-Kummissjoni. Il-KESE jappoġġja l-proposti għall-isħubija u t-tfassil ta' Ftehim Internazzjonali ta' Qafas. Fir-rigward tal-konferenza internazzjonali ppjanata fuq l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija, il-KESE jwissi kontra n-nuqqas ta' kunsiderazzjoni tal-bżonn li jiġu involuti pajjiżi mill-programmi ta' l-AKP, l-Euromed u l-PEV (Politika Ewropea tal-Viċinat). Il-kooperazzjoni internazzjonali hija essenzjali għall-ksib ta' żvilupp sostenibbli ta' suċċess, u għandhom isiru sforzi diplomatiċi sabiex jintlaħaq protokoll internazzjonali ġdid wara Kyoto, bil-konferenza li ser issir din is-sena f'Bali.

4.9

L-industrija Ewropea, li qiegħda tiżviluppa teknoloġiji ewlenin fl-iffrankar ta' l-enerġija, tista', permezz tal-kooperazzjoni industrijali, tagħti assistenza konsiderevoli lil pajjiżi oħrajn fit-titjib fil-kwalità tal-produzzjoni tagħhom ta' l-elettriku, il-konsum ta' l-enerġija u l-ħolqien ta' emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra u b'hekk tgħin sabiex jitnaqqas il-konsum globali.

Brussell, is-27 ta' Settembru 2007

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Ir-raba' fattur: Nirdoppjaw il-ġid, innaqqsu bin-nofs l-użu tar-riżorsi.

(2)  (Factor Four: Doubling Wealth, Halving Resource) Ernst. U von Weizsäcker, A. Lovins et al.

(3)  TEN/276 — It-trasport fiż-żoni urbani u metropolitani; rapporteur: is-Sur Ribbe.

(4)  Opinjoni dwar it-Tikkettar ta' l-effiċjenza enerġetika tat-tagħmir ta' l-uffiċċju rapporteur: is-Sur Voles.

(5)  L-Artikolu 15 paragrafu 2 ta' din id-Direttiva jipprovdu għal perijodu ta' waqfien ta' tliet snin qabel ma tiġi applikata bis-sħiħ, f'każijiet fejn l-Istat Membru jista' jagħti prova li hemm nuqqas ta' esperti kkwalifikati u akkreditati. Dan jagħti lill-Istati Membri l-għażla mhux biss li jipposponu l-introduzzjoni ta' ċertifikati bojod, iżda wkoll li jiddifferixxu l-ispezzjonijiet fuq il-kaldaruni u pjanta ta' l-arja kondizzjonata. B'hekk ma tantx jidher li huwa possibbli li l-Kunsill ser jerġa' jiftaħ il-kwistjoni qabel l-2009 (u l-Kummissjoni nfisha tikkonfermah dan); qabel ma jidħlu fis-seħħ il-miżuri li huma mistennija li jġibu r-riżultati mixtieqa, ser ikollu jgħaddi iktar żmien sabiex tiġi adottata direttiva ġdida dwar il-kwistjoni.

(6)  Paragun bejn mudelli ta' evalwazzjoni għall-istima ta' l-impatt enerġetiku u makroekonomiku ta' l-istandard Passivhaus, Giulio Scapin — Università ta' Padova — [2005-06], 30.5.2007, Tesi on line. it.

(7)  Għandu jitfakkar li ħafna minn dawn it-trasformaturi fl-użu, jikkontjenu dak li huwa kkunsidrat bħala wieħed mill-iktar sostanzi ta' ħsara għall-bniedem: il-PCM (polychlorinated biphenyl), u qegħdin jitħejjew kampanji ta' sostituzzjoni u dekontaminazzjoni. (Ġie kkalkolat li, fl-Italja biss, madwar 200 000 minn 600 000 trasformatur qegħdin jintużaw jew ġew ikkontaminati mill-PCB minħabba l-kwalitajiet eċċellenti tiegħu għas-sħana, peress li fiż-żmien ta' l-użu mferrex tagħhom, il-karatteristiċi kimiċi u fiżiċi ta' ħsara immensa fil-każ ta' nar ma kienux magħrufa). Għaldaqstant m'għandhomx jiġu sostitwiti. Naturalment, il-produzzjoni lokali tfisser inqas telf waqt trasmissjoni iżda l-investiment neċessarju huwa għoli ħafna u hemm riluttanza fil-livell lokali sabiex jiġu aċċettati saħansitra impjanti żgħar ta' l-enerġija .

(8)  Mill-Wikipedia: Żona speċifika ta' ġenerazzjoni konġunta hija triġenerazzjoni li, apparti milli tipproduċi l-elettriku, tuża l-enerġija mis-sħana eċċessiva mit-trasformazzjoni sabiex tipproduċi enerġija li tkessaħ, jew ilma mkessaħ għall-arja kondizzjonata jew għal proċessi industrijali wkoll. L-enerġija mis-sħana hija trasformata f'enerġija li tkessaħ permezz ta' ċiklu ta' refriġerazzjoni li jassorbi, li jaħdem billi jitbiddel l-istat ta' dik il-parti li tkessaħ u jintuża assorbent.

(9)  L. Brown www.earthpolicy.org u r-Rapport ta' l-FAO 2005.

(10)  TEN 286 — Progress fl-użu tal-bijokarburanti; rapporteur: Is-Sur Iozia.


15.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 10/35


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-imposti ta' l-ajruporti”

COM(2006) 820 finali — 2007/0013 (COD)

(2008/C 10/09)

Nhar l-1 ta' Marzu 2007, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 80(2) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar Il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-imposti ta' l-ajruporti.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà ta' l-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-5 ta' Settembru 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur McDonogh.

Matul il-438 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-26 u s-27 ta' Settembru 2007 (seduta tas-26 ta' Settembru 2007), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'143 vot favur, 2 voti kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Rakkomandazzonijiet

1.1

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi kriterji ta' pjanar għal diversi tipi ta' ajruporti sabiex tiżgura li dawn huma prattiċi, jaħdmu tajjeb u jistgħu jiġu ġustifikati mil-lat kummerċjali fejn l-ispejjeż jiġu rkuprati mill-imposti ta' l-ajruporti.

1.2

L-Istat għandu jħallas għas-sigurtà fl-ajruporti. Din hija problema ta' sigurtà nazzjonali.

1.3

Għandhom jitħeġġu l-kostruzzjoni u t-tħaddim ta' l-ajruporti reġjonali. Dawn jaqdu rwol importanti fl-ekonomija tar-reġjuni. Barra minn hekk dawn inaqqsu l-konġestjoni mill-ajruporti prinċipali u sikwit jagħtu għajnuna prezzjuża lill-operazzjonijiet tat-Tiftix u Salvataġġ (Search & Rescue).

1.4

L-ajruporti jridu jiġu kkunsidrati bħala servizz pubbliku bażiku li mhux neċessarjament irendu l-qligħ u jistgħu jkollhom bżonn ta' għajnuna finanzjarja skond iċ-ċirkustanzi. L-għajnuna hija għal kollox komuni fit-trasport pubbliku.

1.5

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-kriterji ta' pjanar għall-proċessuri ta' l-ajruport (eż. Check In, Tiftix fuq il-Passiġġieri) u mbagħad tanalizza l-impatt tal-bidla fir-regolament fuq dawn id-dinamiċi ta' proċessuri prinċipali u l-impatt assoċjat fuq il-livelli u l-ispejjeż tar-riżorsi għall-operaturi sabiex dawn ikomplu jissoddisfaw il-Ftehimiet dwar Livell ta' Servizz u b'mod partikulari l-kriterji relatati mal-ħin previst għat-tħaddim ta' l-ajruplani.

1.6

Il-Kummissjoni għandha tirrikonoxxi l-livell ta' l-ispejjeż meħtieġa sabiex tinkiseb il-konformità fl-iċken ajruport fejn il-volum tal-passiġġieri jista' ma jkunx biżżejjed sabiex l-attività tkun vijabbli.

1.7

L-ajruporti huma meħtieġa jikkonformaw ma' livell minimu ta' dispożizzjonijiet regolatorji speċifiċi. It-talbiet mil-linji ta' l-ajru bl-irħis, li jitolbu livell aktar baxx ta' servizz u għalhekk għal imposti aktar baxxi ta' l-ajruporti, mhux dejjem jistgħu jiġu sodisfatti minħabba l-ispejjeż assoċjati mal-konformità regolatorja. Għalhekk, l-ajruporti għandhom ikunu intitolati li jirriflettu u jirkupraw l-ispejjeż ta' l-ajruporti fl-istruttura tagħhom ikun xi jkun il-livell ta' servizz meħtieġ mil-linja ta' l-ajru.

1.8

Jekk l-ajruporti jibbenefikaw minn sussidji kapitali għoljin mill-Istat, dan jista' jwassal għal distorsjoni fil-kompetizzjoni.

1.9

Għandhom jiġu provduti faċilitajiet speċifiċi għall-merkanzija.

1.10

Għandha tiġi introdotta sistema bijometrika ta' sigurtà sabiex il-passiġġieri li jivvjaġġaw sikwit jgħaddu mill-proċeduri ta' kontroll b'mod rapidu. Jekk huwa neċessarju, dan is-servizz għandu jingħata bi ħlas.

1.11

L-ajruporti jridu jassiguraw li l-installazzjonijiet u s-servizzi li joffru jkunu adatti għall-bżonnijiet partikolari tal-persuni b'diżabilità jew b'saħħa dgħajfa, b'konformità mal-leġislazzjoni Ewropea attwali f'dan il-qasam.

2.   Introduzzjoni

2.1

Il-kompitu ewlieni u l-attività kummerċjali primarja ta' l-ajruporti huma li jiżguraw it-trattament ta' l-inġenji ta' l-ajru, mil-landjar sat-tluq, u tal-passiġġieri u l-merkanzija, sabiex jippermettu lill-operaturi ta' l-ajru jipprovdu s-servizzi tagħhom tat-trasport bl-ajru. Għal dan il-għan, l-ajruporti joffru għadd ta' faċilitajiet u servizzi relatati ma' l-operat ta' l-inġenji ta' l-ajru u l-ipproċessar tal-passiġġieri u l-merkanzija, li l-ispejjeż tagħhom ġeneralment jirkuprawhom permezz ta' imposti ta' l-ajruporti.

2.2

Jeħtieġ li jiġi stabbilit qafas komuni li jirregola l-karatteristiċi essenzjali ta' l-imposti ta' l-ajruporti u l-mod li bih jiġu stabbiliti, minħabba li, fin-nuqqas ta' qafas bħal dan, ir-rekwiżiti bażiċi fir-relazzjoni bejn il-korpi tal-ġestjoni ta' l-ajruporti u l-provvedituri tas-servizz ta' l-ajruporti (fi kliem ieħor il-linji ta' l-ajru, l-aġenti tal-ġarr u provvedituri oħrajn tas-servizzi) jistgħu ma jiġux rispettati.

2.3

Din id-Direttiva għandha tapplika għall-ajruporti li jinsabu fit-territorju Komunitarju li jkollhom aktar minn miljun passiġġier fis-sena.

2.4

L-imposti ta' l-ajruporti għandhom ikunu ħielsa mid-diskriminazzjoni. Dan japplika għas-servizzi u l-provvedituri.

2.5

F'kull Stat Membru għandha titwaqqaf awtorità regolatorja indipendenti b'tali mod li tiżgura l-imparzjalità tad-deċiżjonijiet tagħha u l-applikazzjoni sewwa u effikaċi ta' din id-Direttiva. Huwa ta' importanza vitali għall-utenti ta' l-ajruporti li, mingħand il-korp ta' ġestjoni ta' l-ajruport, fuq bażi regolari u trasparenti, jiksbu t-tagħrif dwar kif u fuq liema bażi jiġu kkalkolati l-imposti ta' l-ajruporti.

2.6

L-ajruporti għandhom jinformaw lill-provvedituri ta' servizz ta' l-ajruporti dwar proġetti kbar ta' l-infrastruttura, minħabba li dawn ikollhom impatt sinifikanti fuq il-livell ta' l-imposti ta' l-ajruporti.

2.7

Minħabba l-ħolqien fis-suq ta' operaturi ta' l-ajru li joperaw servizzi tat-trasport bl-ajru bl-irħis, l-ajruporti moqdija minn dawn l-operaturi għandhom ikunu jistgħu japplikaw imposti li jikkorrispondu għall-infrastruttura u/jew għal-livell ta' servizz provdut, ladarba l-operaturi ta' l-ajru għandhom interess leġittimu li jirrikjedu mill-ajruport servizzi li jikkorrispondu mal-proporzjon bejn il-prezz u l-kwalità. Madankollu, l-aċċess għal livell imnaqqas bħal dan ta' infrastruttura jew ta' servizzi għandu jkun miftuħ għall-operaturi kollha li jkunu jixtiequ jagħmlu użu minnu, fuq bażi ħielsa mid-diskriminazzjoni.

2.8

Minħabba li fil-Komunità hemm metodi differenti għall-istabbiliment u l-ġbir ta' l-ammonti dovuti sabiex ikopru l-ispejjeż tas-sigurtà, jeħtieġ li jkun hemm armonizzazzjoni tal-bażijiet għall-imposti sabiex ikopru l-ispejjeż tas-sikurezza fl-ajruporti tal-Komunità fejn l-ispejjeż tas-sigurtà jkunu riflessi fl-imposti ta' l-ajruporti.

2.9

Il-provvedituri ta' servizzi ta' l-ajruporti għandu jkollhom id-dritt għal livell minimu ta' servizz bħala kumpens għall-imposti li jħallsu. Sabiex jiżguraw dan, il-livell ta' servizz għandu jkun is-suġġett ta' ftehim, li għandu jiġi konkluż f'intervalli regolari, bejn il-korp tal-ġestjoni ta' l-ajruport u l-assoċjazzjoni(jiet) li tirrappreżenta/jirrappreżentaw lill-provvedituri ta' servizzi ta' l-ajruport f'dak l-ajruport.

2.10

L-għanijiet ta' l-azzjoni li tkun ittieħdet ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti ta' l-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell Komunitarju.

2.11

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korp tal-ġestjoni ta' l-ajruport jikkonsulta mal-provvedituri ta' servizz ta' l-ajruport qabel ma jiġu finalizzati proġetti infrastrutturali ġodda.

2.12

Sabiex ikun żgurat it-tħaddim bla xkiel u effiċjenti f'ajruport, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korp tal-ġestjoni ta' l-ajruport u l-assoċjazzjoni jew assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-provvedituri ta' servizz ta' l-ajruport f'dak l-ajruport jibdew negozjati bil-għan li jikkonkludu ftehim dwar livell ta' servizz fir-rigward tal-kwalità ta' servizz provdut fit-terminal(s) ta' l-ajruport. Ftehim bħal dan għandu jiġi konkluż ta' l-anqas darba kull sentejn u jiġi notifikat lill-awtorità regolatorja indipendenti ta' kull Stat Membru.

2.13

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jippermettu lill-korp tal-ġestjoni ta' l-ajruport li jvarja l-kwalità u l-iskop tas-servizzi partikulari ta' l-ajruport, terminals jew partijiet mit-terminals, bil-għan li jipprovdu servizzi speċjalizzati jew terminal, jew parti minnu, dedikat. Il-livell ta' imposti ta' l-ajruporti jista' jvarja skond il-kwalità u l-iskop ta' dawk is-servizzi.

2.14

L-Istati Membri għandhom jinnominaw jew iwaqqfu korp indipendenti bħala l-awtorità regolatorja indipendenti nazzjonali tagħhom sabiex tiżgura l-applikazzjoni kif suppost tal-miżuri meħuda b'konformità ma' din id-Direttiva.

2.15

L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-indipendenza ta' l-awtorità regolatorja indipendenti billi jiżguraw li hija distinta legalment minn u tiffunzjona indipendentament minn kwalunkwe korp tal-ġestjoni ta' l-ajruport u trasportatur bl-ajru.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Għandu jintlaqa' b'mod favorevoli li l-Kummissjoni ser tistabbilixxi regoli u kriterji bażiċi għall-ġestjoni u t-tmexxija ta' l-ajruporti fil-Komunità.

3.2

Huwa importanti li jkun hemm ċarezza u trasparenza fl-imposti stabbiliti mill-ajruporti billi li f'ħafna każijiet dawn huma monopolji.

3.3

L-allokazzjoni ta' stands għall-inġenji ta' l-ajri fit-terminal għandha ssir b'mod razzjonali u ħieles mid-diskriminazzjoni, jekk trid tiġi garantita parità ta' kondizzjonijiet fost il-linji kollha ta' l-ajru. In-nuqqas ta' użu ta' slots prezzjużi għall-ipparkjar fit-terminal fuq perijodu twil għandu jwassal għar-rinunċja ta' dawn id-drittijiet.

3.4

Prestazzjoni ħażina kontinwa fir-rigward tas-slots għall-ipparkjar ta' l-inġenju tagħhom ta' l-ajru mil-linji ta' l-ajru u dewmien regolari, li matul iż-żmien jistgħu jwasslu għal diżordni serja fit-traffiku fl-ajruport, għandhom jiġu indirizzati b'multi u penali.

3.5

Id-drittijiet akkwistati (grandfather rights) fl-ajruporti prinċipali għandhom jitneħħew u dawn is-slots għandhom jiġu rkantati kull ftit snin.

3.6

L-ajruporti kollha ta' l-UE għandhom jużaw, fejn huwa possibbli, l-istess formola sabiex jiċċarġjaw il-ħlas għall-inżul u l-ipparkjar eċċ. Il-ħlas għall-inżul għandu dejjem jirrifletti l-valur ta' l-aqwa slots fil-ħinijiet l-aktar imfitxxija) sabiex iħeġġu użu aktar bilanċjat tal-faċilitajiet ta' l-ajruporti.

3.7

Sabiex jitħaffef it-traffiku u tiżdied il-kapaċità, l-ajruporti għandhom jitħeġġu jinstallaw l-aktar faċilitajiet moderni ta' navigazzjoni. L-objettiv tal-kapaċità tar-runways irid ikun ta' inżul jew tluq wieħed kull 35 sekonda. Effiċjenzi mtejba f'dan ir-rigward inaqqsu l-ħin miżmum matul l-iktar perijodi intensivi u għalhekk għandhom impatt pożittiv fuq l-emissjonijiet.

3.8

Ir-regolaturi nazzjonali ta' l-avjazzjoni għandhom jiġu sorveljati u verifikati mill-Kummissjoni, sabiex jiġi żgurat li qegħdin iwettqu dmirijiethom b'mod sod u ekwu.

3.9

L-imposti fuq is-sigurtà u spejjeż oħra riflessi għandhom jitħallsu mill-Istat bħalma diġà jseħħ fl-ambitu ta' modi oħra tat-trasport, bħal dak tal-ferrovija. Dawn għandhom jiġu sorveljati mill-qrib peress li l-installazzjoni ta' tagħmir sofistikat tista' tkun għalja għall-ajruporti ta' daqs żgħir jew medju, b'tali mod li din ma tkunx ekonomikament ġustifikabbli.

3.10

Ir-regolatur għandu jiżgura li l-prezzijiet mitluba fil-ħwienet fl-ajruport ma jkunux distinti minn dawk li jintalbu fi bliet viċini.

3.11

Ser ikun diffiċli li jiġi stabbilit qafas komuni li jirregola l-karatteristiċi essenzjali ta' l-imposti ta' l-ajruporti u l-mod li bih jiġu stabbiliti, meta l-ispejjeż ta' l-impjieg, il-kostruzzjoni u l-infrastruttura huma differenti minn Stat għall-ieħor. Anke l-politika u r-regolamentazzjoni dwar l-ippjanar ivarjaw minn Stat għall-ieħor.

3.12

Fejn huwa suġġerit li d-Direttiva għandha tapplika għall-ajruporti li jinsabu fit-territorju Komunitarju li huma akbar minn daqs minimu, it-terminu “daqs minimu” jrid jiġi ċċarat.

3.13

L-ajruporti għandhom jitħallew jiċċarġjaw imposti sabiex jagħmlu profitt raġonevoli sabiex jerġgħu jinvestu fl-infrastruttura u faċilitajiet oħrajn.

3.14

Jekk trasportatur bl-ajru bl-irħis (low-cost) ma jrid iħallas xejn lill-ajruport, dan ser jagħmilha diffiċli sabiex tiġi koperta l-ispiża ta' konformità, sigurtà, eċċ. fl-ajruport!

3.15

Sabiex jiġi garantit it-tħaddim tajjeb u effikaċji f'ajruport, il-linji ta' l-ajru għandhom ikunu meħtieġa jiffirmaw ftehim mal-korp tal-ġestjoni ta' l-ajruport li jiggarantixxi ċertu livell ta' servizz.

3.16

L-ajruport għandu numru ta' klijenti potenzjali, li mhux kollha huma trasportaturi bl-ajru bl-irħis. F'ċerti każijiet, huwa kruċjali li jkun hemm taħlita ta' trasportaturi sabiex jiġi mħares id-dħul, li jvarja skond it-tip ta' passiġġier. Dan il-fluss tad-dħul huwa f'riskju meta jkun hemm prevalenza ta' trasportatur bl-ajru bl-irħis fl-ajruporti iżgħar.

3.17

It-tagħmir għall-kontroll tas-sikurezza għadu jiġi definit u standardizzat. Il-pubbliku malajr jitlef il-fiduċja fis-sistema ta' sikurezza jekk is-sistemi m'humiex standardizzati. Passiġġier jista' jibqa' għaddej mill-kontroll tas-sigurtà f'diversi ajruporti filwaqt li f'xi oħrajn idoqq l-allarm. Kumpanija qiegħda topera programm reġistrat ta' vjaġġaturi f'numru dejjem jikber ta' ajruporti Amerikani. Għal miżata annwali ta' $99.95, din toħroġ kard bijometrika ta' l-identità lill-persuni li jgħaddu mill-kontrolli tal-gvern, u b'hekk it-titulari jkunu intitolati jużaw il-“kurituri aċċellerati” fil-punti ta' kontroll tas-sigurtà. Dan huwa eżempju ta' kif it-titjib fit-teknoloġija jista' joffri żvilupp fl-esperjenza tal-passiġġier u jnaqqas il-ħinijiet fil-kju.

3.18

L-art madwar u qrib l-ajruporti, minħabba l-valur kummerċjali tagħha, għandha tiġi mmarkata sabiex tiġi evitata u skoraġġuta l-ispekulazzjoni.

3.19

Filwaqt li s-sigurtà fl-ajruporti tidher riġida, xorta waħda għadu jsir tberbix mill-bagalji tal-passieġieri. Dan għandu jiġi indirizzat kemm jista' jkun malajr.

3.20

It-tifsira ta' “Ħieles mit-Taxxa” u “Ħieles mid-Dazju” fil-ħwienet ta' l-ajruport għandha tiġi ddefinita b'mod ċar u tintwera b'mod prominenti sabiex il-klijenti jkunu konxji ta' liema spejjeż huma involuti.

3.21

Il-Kummissjoni għandha twaqqaf websajt sabiex tipproteġi lil dawk li jivvjaġġaw, ħalli jkunu jistgħu jaraw b'mod ċar liema huma l-imposti li japplikaw fid-diversi ajruporti, bħall-ħlas għall-inżul eċċ. li jidhru fuq il-biljetti ta' l-ajru u li huma ċċarġjati lill-pubbliku.

4.   L-ippjanar ta' l-ajurporti

4.1

L-ajruporti għandhom ikunu faċli sabiex jintużaw u għandhom ikunu pjanati b'konsultazzjoni ma' l-utenti, fi kliem ieħor il-linji ta' l-ajru u l-passiġġieri.

4.2

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi xi kriterji fir-rigward ta' l-ispazju minimu li għandu jiġi provdut għall-ġbir tal-bagalji, għall-ipproċessar tas-sikurezza u għall-kontroll tal-passaport.

4.3

L-ippjanar għandu jiżgura l-moviment faċli tal-passiġġieri fid-dħul u fil-ħruġ mill-ajruporti u li l-ajruport ikun faċli sabiex jintuża.

4.4

Hija idea tajba li jiġu provduti faċilitajiet aktar sofistikati għal dawk il-linji ta' l-ajru li jixtiequhom u li huma lesti li jħallsu għalihom.

4.5

Is-sinjali fl-ajruporti huma ta' importanza suprema u f'ħafna ajruporti Ewropej is-sinjali joħolqu konfużjoni. Dawn, fejn huwa possibbli, għandhom jiġu standardizzati.

4.6

Għandhom jiġu provduti żoni adegwati fejn il-passiġieri jkunu jistgħu jpoġġu u jistennew. L-aċċess għat-terminals għandu jkun kemm jista' jkun faċli għall-utenti, partikularment għall-passiġġieri b'diżabilità jew bi bżonnijiet speċjali, eż. kif ukoll passiġġieri bi tfal żgħar.

4.7

Il-prinċipji għall-ippjanar tat-terminals ta' l-ajruport huma bażati fuq il-fluss tal-passiġġieri fis-siegħa u għalhekk għandu jkun hemm studju u wara pubblikazzjoni tal-kriterji ta' pjanar tal-proċessuri kritiċi tal-passiġġieri bħall-check in u l-iskrining tal-passiġġieri li jservu ta' referenza għall-industrija.

4.8

Il-kriterji minimi ta' tħaddim għandhom jissaħħu skond l-istandards rilevanti ta' pjanar. Għandhom jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn il-ħtiġiet imorru lil hinn mill-istandards ta' pjanar jiġu stabbiliti mil-linji ta' l-ajru fuq l-ajruport bħala l-kriterji minimi tagħhom.

4.9

L-ajruporti jridu jassiguraw l-installazzjonijiet u s-servizzi li joffru taħt ir-responsabbiltà tagħhom jew flimkien ma' l-operaturi ta' l-ajru jkunu adatti għall-bżonnijiet partikolari tal-persuni b'diżabilità jew b'saħħa dgħajfa. B'segwitu tal-kummenti li saru f'opinjoni preċedenti dwar is-suġġett (TEN/215: Id-drittijiet ta' persuni b'mobilità mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru), il-Kumitat iħoss li l-ajruporti huma konformi ma' dawn l-obbligi meta jirrispettaw id-dispożizzjonijiet stabbiliti mir-Regolament (KE) Nru 1107/2006 dwar id-drittijiet ta' persuni b'diżabilità u ta' persuni b'mobilità mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru, partikularment l-Artikolu 9 u l-Anness 1.

Brussell, is-26 ta' Settembru 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


15.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 10/39


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kumissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew: Il-produzzjoni sostenibbli ta' l-enerġija mill-karburanti fossili: mira ta' kważi ebda emissjonijiet mill-faħam wara l-2020”

COM (2006) 843 finali

(2008/C 10/10)

Nhar l-10 ta' Jannar 2007, il-Kummissjoni Ewropea ddeċiediet, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni mill-Kumissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew — Il-produzzjoni sostenibbli ta' l-enerġija mill-karburanti fossili: mira ta' kważi ebda emissjonijiet mill-faħam wara l-2020.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà ta' l-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-5 ta' Settembru 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Zboril.

Matul l-438 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-26 u s-27 ta' Settembru 2007 (seduta tas-27 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'135 vot favur, vot kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa' favorevolment il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u jaqbel ma' l-analiżi u d-deskrizzjoni ppreżentati fid-dokument tal-Kummissjoni. Ir-risposta effettiva għar-riskji tal-bidla globali fil-klima filwaqt li fl-istess ħin tkompli tintlaqa' d-domanda għolja għall-enerġija hija sfida internazzjonali sinifikanti.

1.2

L-emissjonijiet tas-CO2 minn impjanti ta' l-enerġija bbażati fuq il-faħam fl-UE jirrappreżentaw 24 % ta' l-emissjonijiet ġenerali tas-CO2 (fl-UE)..Għalhekk impjanti ta' l-enerġija bħal dawn huma l-aktar siti xierqa għall-installazzjoni tal-faċilitajiet tas-CCS (faċilitajiet għall-ġabra u l-ħażna tal-karbonju). Dan ifisser l-implimentazzjoni ta' sistemi għall-ġabra u l-ħażna tas-CO2.

1.3

Wisq probabbli, fis-snin li ġejjin, il-faħam ser jibqa' jagħmel parti mit-taħlita ta' l-enerġija Ewropea. L-attribwiti partikolari tal-faħam — id-disponibbiltà, il-prezz li jista' jintlaħaq u r-rwol tiegħu fl-istabbilizzazzjoni tas-swieq ta' l-enerġija — ikomplu jassiguraw li huwa ser jibqa' s-sors ta' karburant primarju għall-produzzjoni ekonomika ta' l-elettriku. Id-distribuzzjoni tar-riservi tal-faħam mhix ugwali fid-dinja u fl-UE. It-teknoloġija bbażata fuq il-faħam għandha l-potenzjal li tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 b'mod sinifikanti (1). Fuq il-perijodu qasir jew medju, dan jirrikjedi oqsfa ekonomiċi u regolatorji, li jinkoraġġixxu l-investiment f'teknoloġiji l-aktar reċenti li jtejbu l-effiċjenza fil-produzzjoni ta' l-elettriku mill-faħam, sabiex b'hekk jitnaqqsu wkoll l-emissjonijiet tas-CO2.

1.4

Miżuri kummerċjali, ippruvati u ekonomikament effettivi għat-tneħħija u l-iżolament tal-maġġoranza ta' l-emissjonijiet tas-CO2 minn impjanti bbażati fuq il-faħam għadhom ma jeżistux. Dan għadhu qasam teknoloġiku li għadu qed jiżviluppa. Madanakollu, il-prospetti għall-iżvilupp u l-ikkummerċjalizzar ta' teknoloġiji għal kważi ebda emissjoni mill-faħam (ZET — Zero Emission Technologies) matul is-snin li ġejjin, huma promettenti.

1.5

Il-KESE jikkonferma l-fehma tiegħu li l-iskala ta' l-isfida sabiex jiġu llimitati l-emissjonijiet tfisser li s-sorsi vijabbli kollha ta' l-enerġija u t-teknoloġija għandhom jiġu żviluppati sal-potenzjal prattiku u kummerċjali tagħhom. It-transizzjoni lejn enerġija sostenibbli għandha rwol importanti għall-faħam, għall-karburanti fossili, għat-teknoloġiji nukleari u rinovabbli u għall-konservazzjoni ta' l-enerġija, fejn kull wieħed minn dawn l-aspetti ser jagħti l-kontribut tiegħu, fi żmienu u sal-limitu ddettat mill-prattiċità teknika u l-prezz li jista' jintlaħaq.

1.6

Il-KESE japprezza li fuq perijodu fit-tul, wara l-2020, il-ġabra u l-ħażna tas-CO2 għandha toffri l-potenzjal għall-kisba ta' kważi ebda emissjonijiet tas-CO2 minn impjanti ta' l-enerġija bbażati fuq il-faħam. Hemm bżonn ta' madwar 350 GW ta' kapaċità ġdida għall-produzzjoni ta' l-elettriku sa l-2020, u madwar 500 GW sa l-2030. L-ispejjeż ta' dan l-investiment huma stmati għal EUR 600-800 biljun. Sabiex dan ikun jista' jseħħ hemm il-bżonn immedjat għal azzjoni kkoordinata fir-rigward tar-riċerka, l-iżvilupp u d-dimostrazzjoni.

1.7

Permezz ta' aktar effiċjenza fil-qasam ta' l-impjanti ta' l-enerġija u fl-iżvilupp ta' teknoloġiji għall-kważi ebda emissjoni, il-faħam ikun jista' jikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-miżuri preskritti għall-protezzjoni preventiva tal-klima. Minkejja l-effetti pożittivi tas-CCS, l-istrateġiji u l-objettivi ta' politika għall-enerġija m'għandhomx jibdew jiġu adottati bħala “miżuri vinkolanti” minn issa, fuq il-premessa li fil-futur, it-teknoloġiji tas-CCS ser ikunu qegħdin joperaw kullimkien.

1.8

Hemm bżonn tas-simplifikazzjoni u ta' l-armonizzazzjoni gradwali tal-proċeduri ta' liċenzar, permezz tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali sabiex, sa fejn huwa possibbli, jitnaqqsu l-iskadenzi importanti għat-twettiq tal-proġetti ta' kostruzzjoni, u dan mingħajr ma tiġi kompromessa l-osservazzjoni ta' l-ogħla standards tas-sigurtà.

1.9

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li minkejja li l-faħam huwa l-aktar karburant importanti għall-produzzjoni ta' l-elettriku u element indispensabbli għall-produzzjoni ta' l-azzar u għall-proċessi industrijali oħra, dan ser ikollu wkoll rwol importanti fil-qadi tal-bżonnijiet futuri ta' l-enerġija, speċjalment fit-transizzjoni għall-ekonomija ta' l-idroġenu. Il-likwefazzjoni tal-faħam tippermetti li dan jiġi użat minflok iż-żejt mhux raffinat. Il-gass sintetiku jista' wkoll jiġi prodott mill-faħam.

1.10

Huwa neċessarju qafas politiku u ekonomiku adattat għall-estrazzjoni tal-linjite indiġena u tal-faħam iebes. L-estrazzjoni tal-faħam u t-trasformazzjoni ta' l-enerġija jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti għall-prosperità lokali u l-impjieg. Fid-dawl tas-sitwazzjoni soċjali ta' Istati Membri l-ġodda, huwa importanti ħafna li jinżamm il-livell attwali ta' enerġija ġġenerata (u bbażata fuq il-faħam) mill-karburanti fossili: minn 286 500 ħaddiem fl-industrija tal-qtugħ tal-faħam fl-UE, dik fl-Istati Membri l-ġodda timpjega 212 100 ħaddiem. Titjib sostanzjali tal-kundizzjonijiet ferm diffiċli tal-ħaddiema tal-minijieri, il-kapaċitajiet tagħhom, is-sigurtà fuq ix-xogħol u l-ambjent tax-xogħol għandhom ikunu l-prijoritajiet ċentrali ta' dawk li jmexxu l-minjieri fl-industrija tal-faħam ta' l-UE kollha.

1.11

Il-KESE huwa wkoll tal-fehma li fir-rigward ta' l-iżvilupp tat-teknoloġiji tas-CCS u ż-żmien li fih dan jista' jitwettaq, il-pożizzjoni li ħadet il-Kummissjoni f'dan id-dokument kif ukoll l-iskadenza huma ottimisti. Il-Kummissjoni għanda tiffoka fuq miżuri ġodda li jassiguraw li fl-2015 jkunu qegħdin jitħaddmu bejn 10 u 12-il impjant ta' dimostrazzjoni, u għandha toħloq ukoll qafas serju għas-CCS li jiġbor fih ir-riskji prinċipali u fl-istess ħin ma jkunx strinġenti żżejjed. Stadju intermedjajru fil-produzzjoni ta' aktar effiċjenza huwa ferm mixtieq, u għaġla żejda u qafas regolatorju strinġenti jistgħu jkunu ta' ħsara serja għal dan il-kunċett globali hekk importanti.

1.12

Il-KESE jsejjaħ ukoll għal riċerka intensiva u żvilupp fil-qasam tas-sorsi ta' l-enerġija rinnovabbli u alternattiva, li għandhom jikkontribwixxu għal taħlita sikura ta' l-enerġija fl-UE. Fl-istess waqt, is-suq integrat ta' l-enerġija ta' l-UE għandu jiddaħħal fis-seħħ mingħajr dewmien eċċessiv.

2.   Introduzzjoni

2.1

Il-Kumitat indirizza l-kwistjoni tal-karburanti fossili f'diversi opinjonijiet tiegħu u reċentament fl-opinjoni esploratorja tiegħu intitolata “Il-provvista ta' enerġija ta' l-UE: strateġija għall-aħjar taħlita ta' enerġija” (2) li tgħid li l-UE għandha tinvesti serjament f'teknoloġiji nodfa tal-faħam — impjanti ta' enerġija aktar effiċjenti u applikazzjonijiet kummerċjali għall-ġabra u l-ħażna tal-karbonju. L-użu tal-gass żdied u sforz għażliet politiċi qiegħed ikompli jiżdied. Huwa ovvju li jekk inkomplu miexjin fuq din it-triq ser jinqalgħu aktar problemi. Sforz l-emissjonijiet u l-prezz għoli tiegħu bħala materja prima, il-gass, bħaż-żejt, ma jistax jibqa' jissostitwixxi lill-faħam u l-anqas ma jista' jissostitwixxi l-enerġija nukleari.

2.2

L-abbozz attwali dwar il-produzzjoni sostenibbli ta' l-enerġija mill-karburanti fossili ġie ppubblikat mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-pakkett ta' l-enerġija u l-klima, “Politika ta' l-Enerġija għall-Ewropa,” fl-10 ta' Jannar 2007.

2.3

Il-partijiet l-oħra tal-pakkett jindirizzaw il-proposta għall-objettivi tal-bidla fil-klima li jinkludu t-tnaqqis ta' 30 % tal-gassijiet b'effett ta' serra għall-pajjiżi żviluppati, jew fi kwalunkwe każ ta' 20 % għall-UE biss. Il-pakkett jittratta wkoll is-suq intern għall-gass u l-elettriku, l-interkonnessjonijiet fin-netwerks ta' l-elettriku u l-gass, ir-rwol futur ta' l-enerġija nukleari fil-kuntest tal-Programm Indikattiv Nukleari. Jinkludi pjan ta' rotta għall-promozzjoni ta' enerġiji rinovabbli, b'mod partikolari l-użu tal-bijokarburanti fit-trasport u l-Pjan Strateġiku Ewropew dwar it-Teknoloġija ta' l-Enerġija. Fid-9 ta' Marzu 2007, il-Kunsill Ewropew appoġġja l-objettivi u l-kontenut politiku ewlieni tal-pakkett.

2.4

Din il-Komunikazzjoni tippreżenta viżjoni globali ta' l-azzjonijiet meħtieġa għall-kontribuzzjoni kontinwa tal-karburanti fossili, b'mod partikolari tal-faħam, għas-sigurtà u għad-diversifikazzjoni tal-provvista ta' l-enerġija fl-Ewropa u fid-dinja, b'kompatibbiltà ma' l-istrateġija ta' l-iżvilupp sostenibbli u l-politika ta' l-objettivi għall-bidla fil-klima. Hija tikkunsidra l-ħidma mwettqa u l-opinjonijiet imressqa fl-2006 fi ħdan it-Tieni Programm Ewropew dwar il-Bidla fil-Klima (ECCPII), il-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-Kompetittività, l-Enerġija u l-Ambjent (HLG), il-preparazzjonijiet għas-7 Programm Qafas għar-Riċerka (FP7) u l-Grupp għall-Ebda Emissjonijiet mill-Impjanti Teknoloġiċi ta' l-Enerġija Bbażata fuq il-Karburanti Fossili (Zero Emission Fossil Fuel Power Plant Technology Platform).

3.   Id-dokument tal-Kummissjoni

3.1

Fid-dokument tagħha, il-Kummisjoni tirrevedi l-pożizzjoni tal-karburanti fossili fil-produzzjoni ta' l-enerġija filwaqt li tistqarr li huma element importanti tat-taħlita ta' l-enerġija kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll f'diversi ekonomiji oħra. Il-karburanti fossili għandhom rwol importanti fil-produzzjoni ta' l-elettriku: aktar minn 50 % ta' l-elettriku fl-UE ġej mill-karburanti fossili (prinċipalment mill-faħam u mill-gass naturali), f'ċertu pajjiżi dan l-ammont jitla' għal saħansitra 80 % (fil-Polonja u fil-Greċja). Il-faħam jagħti u ser jibqa' jagħti kontribut ċentrali għas-sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija ta' l-UE. Fost il-karburanti fossili kollha, il-faħam huwa l-karburant bl-akbar ammont ta' riservi mxerrdin globalment, l-istimi juru li r-riservi tal-linjite għandhom iservu għal madwar 130 sena oħra u dawk tal-faħam iebes għal madwar 200 sena oħra.

3.2

Madanakollu, il-faħam jista' biss jibqa' jagħti kontribut siewi għas-sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija u għall-ekonomija fl-UE u fid-dinja kollha biss permezz tat-teknoloġiji li jnaqqsu drastikament il-carbon footprint (il-marka ekoloġika) mill-proċess tal-kombustjoni. Jekk dawn it-teknoloġiji jiġu żviluppatti fuq skala suffiċjenti, ikunu jistgħu jipprovdu soluzzjonijiet għall-proċessi ta' kombustjoni ta' karburanti fossili oħra u soluzzjonijiet għall-produzzjoni ta' l-enerġija bbażata fuq il-gass. L-UE għandha tiżviluppa soluzzjonijiet teknoloġiċi għall-użu sostenibbli tal-faħam, mhux biss sabiex dan ikun jista' jibqa' jagħmel parti mit-taħlita Ewropea ta' l-enerġija, iżda wkoll sabiex jiġi assigurat li ż-żieda fl-użu globali tal-faħam hija possibbli mingħajr ħsara irrevokabbli lill-klima globali.

3.3

Ġew żviluppati l'hekk imsejħa teknoloġiji nodfa tal-faħam (“Clean Coal” technologies) li qegħdin jintużaw sew fis-settur tal-produzzjoni ta' l-enerġija u li naqqsu konsiderevolment l-emissjonijiet ta' l-SO2, ta' l-NOx u tas-sustanzi f'sura ta' partikuli separati u trab minn impjanti bbażati fuq il-faħam. L-użu ta' dawn it-teknoloġiji nodfa tal-faħam wassal għal żieda kostanti fl-effiċjenza ta' l-enerġija fil-proċess tal-konverżjoni tal-faħam f'elettriku. Kisbiet bħal dawn huma passi importanti lejn l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet teknoloġiċi ġodda msejħa t-teknoloġiji sostenibbli tal-faħam (CCS) li jiġbru fihom il-kunċett tal-ġabra u l-ħażna tas-CO2 fil-produzzjoni ta' l-enerġija bbażata fuq il-faħam.

3.4

Il-Kummissjoni temmen li teżisti possibbiltà tajba li l-vijabilità kummerċjali tat-teknoloġiji sostenibbli tal-faħam ssir realtà bejn l-10 u l-15-il sena li ġejjin. Madanakollu, dan jirrikjedi investiment industrijali kuraġġjuż f'sensiela ta' impjanti ta' dimostrazzjoni ġewwa u barra l-UE, kif ukoll inizjattivi relatati ta' politika għal perijodu relattivament twil ta' żmien li jibda minn issa u jwassal sa l-2020 jew wara.

3.5

Il-Kumissjoni ser tiffaċilita dan l-iżvilupp permezz ta' żieda fil-fondi għar-Riċerka u l-Iżvilupp fil-qasam ta' l-enerġija u billi tintroduċi d-dimostrazzjoni tat-teknoloġiji sostenibbli tal-karburanti fossili fost il-prijoritajiet għas-snin 2007-2013. Pjan Strateġiku Ewropew dwar it-Teknoloġija ta' l-Enerġija ser ikun utli għall-koordinazzjoni ġenerali ta' l-isforzi fil-qasam tar-Riċerka u l-Iżvilupp u tad-dimostrazzjoni u għall-massimizzazzjoni tas-sinerġiji fil-livell Ewropew u dak nazzjonali. Il-Kummissjoni ser tiddetermina, skond ir-riżultati tal-proġetti fil-qasam tar-Riċerka u l-Iżvilupp, l-aħjar mezz ta' kif tappoġġja d-disinn, il-kostruzzjoni u t-tħaddim sa 12-il unità ta' dimostrazzjoni għat-teknoloġiji sostenibbli tal-faħam fil-produzzjoni kummerċjali ta' l-enerġija sas-sena 2015.

3.6

Il-Kummissjoni ser teżamina, skond l-investimenti riċenti u ppjanati, jekk l-impjanti l-ġodda tal-karburanti fossili li nbnew u li qegħdin jinbew fl-UE, hux qegħdin jużaw l-aktar teknoloġiji effiċjenti disponibbli. Ser teżamina jekk dawn l-installazjonijiet ġodda bbażati fuq il-faħam u l-gass humiex attrezzati bl-aħħar teknoloġiji għall-ġabra u l-ħażna tal-karburanti, u jekk le, tara humiex preparati għall-użu futur ta' dawn it-teknoloġiji. Jekk dan ma jkunx il-każ, il-Kummisjoni tikkunsidra li tipproponi kemm jista' jkun malajr strumenti legalment vinkolanti fuq il-bażi ta' impatt xieraq ta' evalwazzjoni.

3.7

Fl-2007, il-Kummisjoni ser teżamina r-riskji potenzjali tas-CCS u tistabbilixxi miżuri ta' liċenzar ta' l-attivitajiet tas-CCS u tal-ġestjoni adegwata tar-riskji u l-impatti identifikati. Meta jiġi żviluppat qafas ta' ġestjoni sod, dan ikun jista' jiġi adattat b'bidliet neċessarji għall-qafas regolatorju eżistenti għall-ambjent fuq livell Ewropew sabiex jiġu eliminati ostakoli għat-teknoloġiji tas-CCS. Il-Kummissjoni ser teżamina wkoll jekk għandhomx jiġu emendati l-istrumenti eżisteni (bħad-Direttiva dwar l-Evalwazzjoni ta' l-Impatt Ambjentali jew id-Direttiva dwar il-Prevenzjoni u l-Kontroll Integrati tat-Tniġġis) jew jekk għandux jiġi propost qafas regolatorju għalih. Hija ser teżamina dawk l-aspetti tal-qafas regolatorju li għandhom jiġu indirizzati preferibbilment fuq livell Ewropew u dawk li għandhom jiġu indirizzati fuq livell nazzjonali.

3.8

Il-Kumissjoni tikkunsidra neċessarju qafas ċar, previdibbli u fuq perijodu fit-tul sabiex tiġi ffaċilitata t-transizzjoni mgħaġġla u mingħajr tfixkil, għall-produzzjoni ta' l-enerġija bbażata fuq is-CCS. Dan huwa neċessarju sabiex il-produtturi ta' l-enerġija jkunu jistgħu jidħlu għall-investimenti u r-riċerka meħtieġa filwaqt li jkunu jafu li l-kompetituri tagħhom qegħdin isegwu l-istess rotta. Skond l-informazzjoni disponibbli, il-Kummisjoni temmen li mis-sena 2020 'l quddiem, l-impjanti ta' l-enerġija bbażati fuq il-faħam li jkunu qegħdin jinbew, kollha jkollhom il-faċilitajiet tas-CCS. L-impjanti l-oħra għandhom isegwu progressivament l-istess approċċ. Wara li tipprova l-vijabilità kummerċjali tat-tekonoliġiji sostenibbli tal-faħam, il-Kumissjoni ser tqis l-aħjar skeda possibbli għall-installazzjoni ta' dawn it-teknoloġiji fl-impjanti ta' l-enerġija bbażati fuq il-karburanti fossili.

3.9

L-istimi ta' l-ispejjeż tal-ġabra u l-ħażna suċċessiva tas-CO2 mill-produzzjoni ta' l-enerġija fuq il-livell attwali ta' żvilupp fit-teknoloġija jitilgħu għal EUR 70 kull tunnellata ta' CO2. L-użu ta' dawn it-teknoloġiji fuq skala kbira għadu jiswa wisq. Il-mudelli u l-istudji disponibbli u bbażati fuq perspettiva ta' perijodu medju jew fit-tul jestimaw li l-ispiża tas-CCS sa l-2020 ser tammonta għal madwar EUR 20-30 għal kull tunnellata ta' CO2. Skond il-mudelli, l-ispejjeż tal-produzzjoni ta' l-enerġija bbażata fuq il-faħam bis-sistemi tas-CCS mistennija li jogħlew b'10 % jew li jibqgħu fuq il-livell attwali sa l-2020 jew ftit wara.

3.10

L-impatti potenzjalment negattivi fuq l-ambjent mill-użu sostenibbli tal-karburanti fossili u tas-CCS ġejin prinċipalment mill-possibbiltà tat-tnixxija mill-ħażna tas-CO2. Tnixxija bħal din jista' jkollha impatt lokali (fuq il-bijosfera lokali) kif ukoll globali (fuq il-klima). Ir-rapport tal-Grupp Internazzjonali dwar il-Bidla fil-Klima kkonkluda madanakollu, li l-esperjenza preżenti f'dan il-qasam turi, li minn frazzjoni ta' CO2 maħżuna f'siti magħżula bir-reqqa u mmaniġġjata sew, l-ammont ta' CO2 li jifdal wara 100 sena probabbli jabeż id-99 %. L-għażla u l-immaniġġjar ta' dawn is-siti huma fatturi importanti ħafna sabiex jitnaqqas ir-riskju. L-evalwazzjoni ta' l-impatt tal-Kummissjoni, fil-kuntest tal-qafas legali, ser tidentifika r-riskji potenzjali u ser tipproponi l-miżuri adegwati tas-sigurtà.

3.11

L-użu tat-teknoloġiji sostenibbli tal-karburanti fossili u b'mod partikolari tat-teknoloġiji tas-CCS mistenni li jagħti riżultati pożittivi sinifikanti. Huwa jista' jwassal għall-eliminazzjoni sa 90 % ta' l-emissjonijiet tal-karbonju mill-impjanti ta' l-enerġija bbażati fuq il-karburanti fossili. Dan ifisser tnaqqis globali fl-emissjonijiet tas-CO2 fl-UE-27, fejn l-emissjonijiet mistennija li jonqsu b'25-30 % sas-sena 2030 meta mqabbla mas-sena 2000. F'xenarju kkaratterizzat minn użu globali dejjem jikber tar-riżorsi tal-faħam, il-parteċipazzjoni minn kmieni ta' pajjiżi terzi fl-iżvilupp u t-tħaddim tat-teknoloġiji sostenibbli tal-faħam, b'mod partikolari tas-CCS, hija essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku sostenibbli globali u għall-indirizzar tal-bidla fil-klima. Is-suċċess tat-teknoloġiji tal-faħam sostenibbli u b'mod partikolari l-kummerċjalizzazzjoni tas-CCS fuq skala kbira għandhom joffru aċċess aħjar għall-enerġija fl-ifqar partijiet tad-dinja fejn għandhom jiġu miċħuda mill-użu ta' din l-enerġija.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-KESE jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u jaqbel ma' l-analiżi u d-deskrizzjoni ppreżentati fid-dokument tal-Kummissjoni. Ir-risposta effettiva għar-riskji tal-bidla globali fil-klima filwaqt li fl-istess ħin tkompli tintlaqa' d-domanda għolja ta' l-ekonomiji maturi għall-enerġija u t-talbiet dejjem aktar jiżdiedu ta' l-ekonomiji li qedgħin jiżviluppaw, hija sfida internazzjonali sinifikanti.

4.2

L-emissjonijiet tas-CO2 minn impjanti ta' l-enerġija bbażati fuq il-faħam fl-UE jirrappreżentaw 24 % ta' l-emissjonijiet ġenerali tas-CO2 (fl-UE). L-emissjonijiet mill-produzzjoni ta' l-enerġija fl-impjanti bbażati fuq il-karburanti fossili ġejjin l-aktar mill-unitajiet kbar tal-kombustjoni, minħabba l-konsum għoli tagħhom tal-karburanti, għalhekk dawn l-impjanti ta' l-enerġija huma s-siti l-aktar xierqa għall-installazzjoni tal-faċilitajiet tas-CCS. B'faċilitajiet CCS qiegħed jitfisser l-implimentazzjoni ta' sistemi għall-ġabra u l-ħażna permanenti tas-CO2. Dawn is-sistemi jikkonsistu fi tliet stadji indipendenti:

a.

il-ġabra u l-iżolament tas-CO2 mill-gass taċ-ċmieni fil-lok fejn l-aktar li jinstab (l-aktar wara l-bajli)

b.

it-trasportazzjoni tas-CO2 għall-ħażna permanenti tiegħu (l-aktar permezz ta' sistema ta' pajpijiet taħt l-art)

c.

il-ħażna finali u permanenti tas-CO2 (f'formazzjonijiet ġeoloġiċi adegwati jew fl-ibħra filwaqt li jiġu osservati l-aktar miżuri stretti għall-ħażna sigura)

4.3

Wisq probabbli, matul is-snin li ġejjin, il-faħam ser jibqa' jagħmel parti mit-taħlita Ewropea ta' l-enerġija. L-attribwiti partikolari tal-faħam — id-disponibbiltà, il-prezz aċċessibbli u r-rwol tiegħu fl-istabbilizzazzjoni tas-swieq ta' l-enerġija — ikomplu jassiguraw li l-faħam ser jibqa' s-sors primarju għall-produzzjoni ekonomika ta' l-elettriku. Id-distribuzzjoni tar-riservi tal-faħam mhix ugwali la fid-dinja u l-anqas fl-UE. Il-fatt li l-akbar riservi tal-faħam jinstabu fl-aktar pajjiżi avvanzati u stabbli, kemm ekonomikament kif ukoll politikament, huwa wieħed pożittiv. Ir-riservi tal-pajjiżi żviluppati fl-UE tbattlu sew sforz perijodu twil ta' attività kbira fil-minjieri. Diversi pajjiżi fl-UE għażlu għalhekk li jibdew inaqqsu bil-mod il-mod il-qtugħ tal-faħam, saħansitra anka jwaqqfuh kompletament.

4.4

Terz tal-pajjiżi ta' l-UE jistgħu jiddependu fuq il-faħam indiġenu, filwaqt li ż-żewġ terzi l-oħra jiddependu l-aktar fuq l-importazzjoni tal-faħam iebes. Fl-2006, il-qtugħ tal-faħam iebes fl-UE ammonta għal 161.6 miljun tunnelata filwaqt li 235.3 miljun tunnelata oħra ġew impurtati. Il-konsum tal-linjite laħaq it-373.8 miljun tunnelata fl-istess sena. Dan l-ammont ġie kopert minn riżorsi indiġeni. Għandhom għalhekk jiġu żviluppati u adottati mezzi vijabbli għat-tnaqqis sostanzjali ta' emissjonijiet speċifiċi tas-CO2 mill-produzzjoni ta' l-enerġija bbażata fuq il-faħam.

4.5

It-teknoloġija bbażata fuq il-faħam għandha l-potenzjal li tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 b'mod sinifikanti. (3) Fuq il-perijodu qasir jew medju, dan jirrikjedi oqsfa regolatorji għas-suq li jinkoraġġixxu l-investiment f'teknoloġiji l-aktar reċenti li jtejbu l-effiċjenza fil-produzzjoni ta' l-elettriku mill-faħam sabiex b'hekk jitnaqqsu wkoll l-emissjonijiet tas-CO2. Hemm bżonn ukoll li l-Kummissjoni, il-gvernijiet u l-industriji ta' l-Istati Membri jikkollaboraw flimkien sabiex jitħeġġu koordinazzjoni globali tar-riċerka, l-iżvilupp u d-dimostrazzjoni ta' teknoloġiji nodfa tal-faħam, bħall-ġbir u l-ħażna tal-karbonju, li jwasslu għal kważi ebda emissjonijiet tas-CO2 mill-użu tal-faħam.

4.6

Miżuri kummerċjali, ippruvati u ekonomikament effettivi għat-tneħħija u l-iżolament ta' l-emissjonijiet tas-CO2 minn impjanti bbażati fuq il-faħam għadhom ma jeżistux. Dan huwa qasam teknoloġiku li għadu qed jiżviluppa. Madanakollu, il-prospetti għall-iżvilupp u l-ikkummerċjalizzar tat-teknoloġiji taż-ZETs matul is-snin li ġejjin huma promettenti. L-installazzjonijiet tas-CCS fl-impjanti ta' l-enerġija huma mistennija li jnaqqsu l-effiċjenza fil-produzzjoni ta' l-enerġija minħabba l-konsum għoli ta' l-enerġija tagħhom. L-ammont ta' effiċjenza jiddependi mit-teknoloġija użata, it-teknoloġija preferuta ta' l-OXYFUEL tirrikjedi bejn 8 u 10 % ta' l-enerġija filwaqt li teknoloġiji oħra jirrikjedu aktar. Dan ifisser li għal kull MWh ta' provvista ta' l-enerġija ser ikun hemm bżonn ta' aktar karburant u ta' aktar effiċjenza tal-produzzjoni. L-installazzjonijiet futuri tas-CCS huma mistennija li jikkunsmaw aktar enerġija sabiex jitħaddmu.

4.7

Sadanittant, it-titjib fl-effiċjenza ta' l-impjanti ta' l-enerġija bbażati fuq il-faħam, kemm dawk eżistenti kif ukoll dawk ġodda, huwa mezz ekonomiku ta' kif wieħed jista' jikkontrolla l-emissjonijiet tas-CO2. L-installazzjoni ta' l-aqwa teknoloġija kummerċjali disponibbli għandha tkun prijorità ewlenija fl-ippjanar ta' numru kbir ta' impjanti bbażati fuq il-faħam li jridu jinbnew fil-perijodu ta' żmien li ġej. Huwa ferm mixtieq li dawn l-unitajiet ta' l-enerġija, fejn possibbli, jiġu ddisinjati b'tali mod li jippermettu l-installazzjoni ekonomika tat-teknoloġija tas-CCS, meta din tkun disponibbli għall-użu kummerċjali.

4.8

Il-KESE jikkonferma l-fehma tiegħu li l-iskala ta' l-isfida tal-limitazzjoni ta' l-emissjonijiet tfisser li s-sorsi kollha ta' l-enerġija u t-teknoloġija potenzjalment vijabbli, għandhom jiġu żviluppati sal-potenzjal prattiku u kummerċjali tagħhom. It-transizzjoni għall-użu ta' l-enerġija sostenibbli għandha rwol importanti għall-faħam, għall-karburanti fossili, għat-teknoloġiji nukleari u rinovabbli, u għall-konservazzjoni ta' l-enerġija, fejn kull wieħed minn dawn l-aspetti ser jagħti l-kontribut tiegħu, fi żmienu u sal-limitu ddettat mill-prattiċità teknika u l-prezz li jista' jintlaħaq tiegħu.

4.9

Ikunu kemm ikunu promettenti l-istennijiet raġonevoli tas-CCS, l-istrateġiji u l-objettivi ta' politika għall-enerġija m'għandhomx jibdew jiġu adottati bħala “miżuri vinkolanti” minn issa, fuq il-premessa li fil-futur, it-teknoloġiji tas-CCS ser ikunu qegħdin joperaw kullimkien.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1

Il-faħam għandu rwol importanti fil-produzzjoni ta' l-elettriku fl-Ewropa, madanakollu 70 % ta' l-elettriku li ġej mill-faħam huwa ġġenerat minn impjanti li ilhom jeżistu 'l fuq minn 20 sena. Iż-żieda fil-konsum ta' l-enerġija kif ukoll dawk l-impjanti ta' enerġija li waslu fl-aħħar taċ-ċiklu ekonomiku tagħhom,ser joħolqu l-bżonn ta' madwar 350 GW ta' kapaċità ġdida għall-produzzjoni ta' l-elettriku sa l-2020 u madwar 500 GW sa l-2030. Fl-UE, il-kalkulazzjoni ta' l-ispiża ta' l-impjanti bbażati fuq il-faħam u s-CCS hija bbażata fuq struttura ottimista ta' l-ispejjeż ta' impjant ġdid ta' l-enerġija, b'kapaċità ta' 300 MW u li jiswa EUR 500 miljun (madwar EUR 1.7 miljun għal kull MW installat). L-installazzjoni tas-CCS f'impjant modern ta' l-enerġija mibni sa l-2020, tirrikjedi bejn EUR 0.5 u 0.7 miljun għal kull MW installat u l-ispiża ta' l-installazzjoni fil-faċilitajiet eżistenti tirrikjedi somma akbar, ta' EUR 1 miljun għal kull MW installat. Sabiex sa l-2030, 500 GW tal-kapaċità ta' l-enerġija tkun qiegħda tiġi ġġenerata permezz ta' l-aktar teknoloġiji avvanzati tas-CCS, l-ispiża mistennija tammonta għal EUR 600-800 biljun.

5.2

Il-KESE japprezza li fuq perijodu fit-tul, wara l-2020, il-ġabra u l-ħażna tas-CO2 għandhom joffru potenzjal tajjeb għall-kisba ta' kważi ebda emissjonijiet tas-CO2 minn impjanti ta' l-enerġija bbażati fuq il-faħam. Sabiex dan ikun jista' jseħħ hemm il-bżonn immedjat għal azzjoni kkoordinata fir-rigward tar-riċerka, l-iżvilupp u d-dimostrazzjoni.

5.2.1

Fis-snin li ġejjin, l-effiċjenza fil-kombustjoni tal-faħam, permezz ta' l-użu dejjem jikber tat-teknoloġiji moderni fl-impjanti ta' l-enerġija bbażati fuq il-faħam, tista' twassal għal tnaqqis ekonomiku fl-emissjonijiet tas-CO2.

5.2.2

Dawn l-istrateġiji huma mibnija fuq soluzzjonijiet tekniċi li għad iridu jiġu ppruvati: l-użu ta' teknoloġiji moderni u effiċjenti għall-produzzjoni ta' l-elettriku bbażata fuq il-faħam jista' jwassal għal ġbir orħos tal-karbonju, dejjem jekk meta teknoloġiji bħal dawn isiru disponibbli għall-użu kummerċjali, l-unitajiet ta' l-enerġija jkunu maħsuba sabiex jippermettu din il-ġabra ekonomika tal-karbonju.

5.2.3

Is-Seba' Programm Qafas jipprevedi li t-trasformazzjoni radikali tas-sistema ta' l-enerġija għal sistema li twassal għal anqas jew kważi l-ebda emissjonijiet tas-CO2 u li tkun sigura, kompetittiva u sostenibbli, tirrikjedi teknoloġiji u materjali ġodda, ta' liema r-riskji għadhom wisq għolja u l-profitt ferm inċert, sabiex il-kumpaniji privati jipprovdu l-investiment neċessarju kollu għar-riċerka, l-iżvilupp u d-dimostrazzjoni li jwasslu għall-użu tagħhom. Is-CCS u l-Faħam Nadif jagħmlu parti mill-baġit tas-Seba' Programma Qafas għall-Enerġija, li jammonta għal EUR 2350 miljun għall-perijodu 2007-2013.

5.2.4

Hemm bżonn li jitfisser sew il-kunċett “capture-ready”. Implimentazzjoni b'suċċess titlob li r-regolaturi u l-industrija jaħdmu flimkien — is-swieq kummerċjali ma jistgħux iwettqu l-ħidma tagħhom mingħajr oqsfa ta' politika adegwati u stabbli.

5.2.5

Il-KESE jara bżonn urġenti għal żieda fil-kapaċità ta' l-impjanti ta' l-enerġija u l-modernizzazzjoni tagħhom. Fil-kuntest taż-żieda ppjanata fid-dipendenza fuq l-enerġija impurtata, li mistennija togħla b'69 % sa l-2030, taħlita ta' enerġija diversifikata hija indispensabbli għal raġunijiet ta' sigurta fil-provvista ta' l-enerġija. L-istabbilizzazzjoni tas-sehem tal-faħam fil-produzzjoni ta' l-enerġija tista' tagħti kontribut ċentrali għas-sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija ta' l-UE.

5.2.6

Permezz ta' aktar effiċjenza fil-qasam ta' l-impjanti ta' l-enerġija u ta' l-iżvilupp ta' teknoloġiji għall-kważi ebda emissjoni, il-faħam ser jikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-miżuri preskritti għall-protezzjoni preventiva tal-klima. Fl-istabbilizzazzjoni tar-regoli dwar l-iskambju ta' l-emissjonijiet f'kull Stat Membru, għandha tingħata importanza lit-titjib fl-effiċjenza li biha jistgħu jitnaqqsu l-gassijiet b'effett serra.

5.2.7

Hemm bżonn tas-simplifikazzjoni u ta' l-armonizzazzjoni gradwali tal-proċeduri ta' liċenzar, permezz tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali sabiex, sa fejn huwa possibbli, jitnaqqsu l-iskadenzi importanti għat-twettiq tal-proġetti ta' kostruzzjoni, u dan mingħajr ma tiġi kompromessa l-osservazzjoni ta' l-ogħla standards tas-sigurtà.

5.3

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li minkejja li l-faħam huwa l-aktar karburant importanti għall-produzzjoni ta' l-elettriku u element indispensabbli għall-produzzjoni ta' l-azzar u għall-proċessi industrijali oħra, dan ser ikollu wkoll rwol importanti fil-qadi tal-bżonnijiet futuri ta' l-enerġija permezz tat-transizzjoni għall-ekonomija ta' l-idroġenu. Il-likwefazzjoni tal-faħam tippermetti li dan jiġi użat minflok iż-żejt mhux raffinat. Il-gass sintetiku jista' wkoll jiġi prodott mill-faħam. Eventwalment, teknoloġiji u applikazzjonijiet bħal dawn ser ikollhom rwol importanti f'taħlita ta' l-enerġija sostenibbli. L-abbozz tal-Kummissjoni ma jitrattax dawn l-aspetti importanti ta' l-użu preżenti u futur tal-faħam.

5.4

Minħabba d-dibattitu attwali intens dwar l-użu tal-faħam fis-snin li ġejjin, twarrbu l-kwistjonijiet dwar l-estrazzjoni tal-faħam. Madanakollu, jibqa' neċessarju qafas politiku u ekonomiku adattat għall-estrazzjoni tal-linjite indiġena u tal-faħam iebes. L-estrazzjoni u t-trasformazzjoni ta' l-enerġija jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti għall-prosperità lokali u l-impjieg. Meta jinħaraq il-faħam indiġenu, il-valur miżjud ta' l-estrazzjoni, tat-trasformazzjoni u tad-distribuzzjoni jibqgħu fi ħdan l-UE. Jekk jintuża ż-żejt jew il-gass, madwar 75 % tal-prezz huwa meħtieġ sabiex jiġu koperti l-ispejjeż ta' l-importazzjoni.

5.5

Fid-dawl tas-sitwazzjoni soċjali ta' l-Istati Membri l-ġodda, huwa importanti ħafna li jinżamm il-livell attwali ta' enerġija ġġenerata (u bbażata fuq il-faħam) mill-karburanti fossili: minn 286,500 ħaddiem fl-industrija tal-qtugħ tal-faħam ta' l-UE, dik fl-Istati Membri l-ġodda timpjega 212,100 ħaddiem. Il-kundizzjonijiet ferm diffiċli tal-ħaddiema tal-minijieri fl-UE kollha jridu jiġu kkunsidrati b'responsabbiltà.

5.6

It-tnaqqis fin-numru ta' żoni tal-qtugħ tal-faħam għal raġunijiet ta' pjanar reġjonali kif ukoll il-piż tar-regoli tal-protezzjoni ta' l-ambjent, ħafna drabi wasslu għal dewmien bla bżonn u piż miżjud fuq il-minjieri. Il-lok tar-riservi u l-mobilità fl-operat tal-minjieri fl-estrazzjoni tal-materji primi huma sfidi partikolari li jiltaqa' magħhom dan is-settur meta mqabbel ma' setturi industrijali oħra. Din is-sitwazzjoni speċifika trid titqies b'mod speċjali meta jiġi sabiex jinħoloq qafas legali għall-kwistjonijiet ambjentali bħal-leġislazzjoni dwar l-iskart, il-leġislazzjoni dwar il-protezzjoni tal-ħamrija u l-leġislazzjoni dwar l-ilma.

5.7

Il-KESE huwa wkoll tal-fehma li fir-rigward ta' l-iżvilupp tat-teknoloġiji CCS u ż-żmien li fih dan jista' jitwettaq, il-pożizzjoni li ħadet il-Kummissjoni f'dan id-dokument kif ukoll l-iskadenza huma ottimisti. Anke jekk il-prinċipji huma magħrufa, soluzzjoni teknoloġika madanakollu tirrikjedi ħafna żmien u l-ebda kisba ġdida f'dan il-qasam ma tista' tpatti għax-xogħol kontinwu u intens li jrid iseħħ fl-implimentazzjoni ta' dan il-kunċett. Il-Kummissjoni għanda tiffoka fuq miżuri ġodda li jassiguraw li fl-2015 jkunu qegħdin jitħaddmu bejn 10 u 12-il impjant ta' dimostrazzjoni, u għandha toħloq ukoll qafas serju għas-CCS li jiġbor fih ir-riskji prinċipali u fl-istess ħin ma jkunx strinġenti żżejjed. Stadju intermedjarju fil-produzzjoni ta' aktar effiċjenza huwa ferm mixtieq, u għaġla żejda u qafas regolatorju strinġenti jistgħu jkunu ta' ħsara serja għal dan il-kunċett hekk importanti.

5.8

Il-KESE jsejjaħ ukoll għal riċerka intensiva u żvilupp fil-qasam tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli u alternattiva, li għandhom jikkontribwixxu għal taħlita sikura ta' l-enerġija Ewropea. Fl-istess waqt, is-suq integrat ta' l-enerġija ta' l-UE għandu jiddaħħal fis-seħħ mingħajr dewmien eċċessiv.

Brussell, is-27 ta' Settembru 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  IPCC, 2005: Rapport Speċjali ta' l-IPCC dwar il-Ġabra u l-Ħażna tad-Dijossidu Karboniku tħejja mill-Grupp ta' Ħidma III tal-Grupp Internazzjonali dwar il-Bidla fil-Klima [Metz, B., O. Davidson, H. C. de Coninck, M. Loos, and L. A. Meyer (eds.)]. Cambridge University Press, Cambridge, ir-Renju Unit u New York, NY, USA, 442 pp.

(2)  ĠU C 318 tat-23.12.2006, pġ. 185-194.

(3)  IPCC, 2005: Rapport Speċjali ta' l-IPCC dwar il-Ġabra u l-Ħażna tad-Dijossidu Karboniku tħejja mill-Grupp ta' Ħidma III tal-Grupp Internazzjonali dwar il-Bidla fil-Klima [Metz, B., O. Davidson, H. C. de Coninck, M. Loos, and L. A. Meyer (eds.)]. Cambridge University Press, Cambridge, ir-Renju Unit u New York, NY, USA, 442 pp.


15.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 10/44


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq tas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank (riformulazzjoni)”

COM(2007) 264 finali — 2007/0097 (COD)

(2008/C 10/11)

Nhar is-16 ta' Lulju 2007, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 175(1) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar Il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli komuni għall-għall-aċċess għas-suq tas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank (riformulazzjoni).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà ta' l-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-5 ta' Settembru 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Allen.

Matul l-438 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-26 u s-27 ta' Settembru 2007 (seduta tas-26 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b' 150 vot favur, 1 kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat jilqa' r-regolament il-ġdid propost, liema adozzjoni ser twassal għar-revoka tar-Regolament Nru 684/92 u tar-Regolament Nru 12/98.

1.2

Is-sigurtà tal-passiġġieri għandha tkun il-prijorità assoluta, anke fil-każ tas-servizzi bil-kowċ u x-xarabank. Il-kwistjonijiet l-oħra kollha jridu jitqiesu bħala li għandhom inqas importanza.

1.3

Ir-regolament il-ġdid għandu jikkontribwixxi sabiex tittejjeb is-sikurezza fit-triq bis-saħħa ta' sorveljanza aktar stretta tas-servizzi internazzjonali tal-kowc u x-xarabank li jsiru minn impriżi li joperaw f'diversi Stati Membri.

1.4

Il-Kumitat ifaħħar din il-proposta peress li hija fl-ambitu tal-programm “Regolamentazzjoni Aħjar” u hija konformi ma' l-impenn tal-Kummissjoni sabiex tissimplifika u taġġorna l-acquis.

1.5

Il-KESE jirrakkomanda li:

1.5.1

Għandha tiġi ċċarata l-espressjoni “ksur serji jew ksur minuri ripetuti tal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar it-trasport bit-triq”. X'inhu ksur minuri? Kemm-il każ ta' ksur minuri huwa neċessarju sabiex iwasslu għall-piena amministrattiva?

1.5.2

Huwa wkoll neċessarju li titħejja lista ta' x'jikkostitwixxi ksur serju.

1.5.3

Il-prinċipju ta' sussidjarjetà m'għandux jintuża bħala mezz sabiex issir diskriminazzjoni kontra trasportaturi li mhumiex residenti u din il-proposta għandha tinkludi aktar miżuri ta' salvagwardja f'dan ir-rigward.

1.5.4

Għandha tkun prijorità li tiġi stabbilita bażi ta' data mifruxa ma' l-UE kollha sabiex id-dettalji tal-liċenzji u informazzjoni relatata jistgħu jiġu verifikati u sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta' informazzjoni.

1.5.5

Skond l-Artikolu 23(3) għandu jkun hemm disponibbli sistema speċjali ta' appell għal trasportatur fejn Stat Membru ospitanti jimponi sanzjoni amministrattiva minħabba operazzjoni ta' kabutaġġ fit-trasport. Din għandha tkun mingħajr preġudizzju għal prosekuzzjoni kriminali.

2.   Introduzzjoni

2.1

Id-Direttiva 96/26/KE dwar dħul għall-impjieg ta' operatur ta' trasport bit-triq flimkien mar-Regolamenti (KEE) Nru 684/92 u (KE) Nru 12/98 dwar l-aċċess għas-suq tas-servizzi tal-kowċis u tax-xarabanks inizjalment kienu jikkostitwixxu l-bażi ewlenija tas-suq intern għas-servizzi tat-trasport internazzjonali bit-triq tal-passiġġiera.

2.2

Id-Direttiva introduċiet standards minimi ta' kwalità li għandhom jiġu rispettati sabiex wieħed ikun jista' jeżerċita l-professjoni, filwaqt li ż-żewġ regolamenti illiberalizzaw is-servizzi internazzjonali okkażjonali tal-passiġġiera, waqqfu proċedura speċjali ta' awtorizzazzjoni għas-servizzi internazzjonali regolari tal-passiġġieri kif ukoll ippermettew servizzi ta' kabotaġġ waqt tali servizzi internazzjonali.

2.3

Dawn ir-regoli issa għandhom isiru konsistenti mal-qafas ġuridiku ġdid li joħroġ mir-regolament dwar it-trasporti pubbliċi ferrovjarji u bit-triq tal-passiġġiera, li wasal sabiex jiġi adottat mill-Parlament u mill-Kunsill. Dawn ir-regoli jeħtieġu wkoll li jsiru aktar ċari u f'ċerti każijiet jiġu simplifikati billi mill-esperjenza jidher li ċerti dispożizzjonijiet legali fihom piżijiet amministrattivi bla bżonn.

2.4

Trasportaturi involuti fit-trasport internazzjonali tal-passiġġieri bil-kowċ u x-xarabank għandu jkollhom Liċenzja Internazzjonali ta' l-Operaturi għat-Trasport bit-Triq tal-Passiġġieri maħruġa mill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru fejn huwa stabbilit it-trasportatur, sakemm mhux eżentat mod ieħor.

2.5

Ir-Regolament Nru 684/92 jiftaħ l-aċċess għas-suq tat-trasport internazzjonali tal-passiġġieri bil-kowċ jew bix-xarabank filwaqt li r-Regolament Nru 12/98 jistipula l-kundizzjonijiet għat-trasportaturi mhux residenti sabiex joperaw servizzi fi Stat Membru.

3.   Sommarju tal-proposta

3.1

Il-Proposta għandha l-għan li tirrevedi u tikkonsolida r-Regolament Nru 684/92 u r-Regolament Nru 12/98 fir-rigward ta' l-aċċess għas-suq tas-servizzi tal-kowċis u x-xarabanks. Tiċċara d-dispożizzjonijiet legali eżistenti u tbiddilhom f'ċerti aspetti sabiex issaħħaħ il-konsistenza kumplessiva u tnaqqas il-piżijiet amministrattivi.

3.2

Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

3.2.1

Il-frazi “servizzi regolari” tfisser servizzi li jipprovdu għall-ġarr tal-passiġġieri f'intervalli speċifikati f'rotot speċifiċi, filwaqt li l-passiġġieri jitrikkbu u jitniżżlu f'punti ta' waqfien predeterminati. Dan is-servizz għandu jkollu awtorizzazzjoni mill-Istat Membru ta' oriġini li fih huwa stabbilit it-trasportatur u huma reġistrati l-vetturi. L-awtorizzazzjonijiet għandhom jintitolaw lid-detentur(i) sabiex jopera(w) servizzi regolari fit-territorji ta' l-Istati Membri kollha li minnhom jgħaddu r-rotot tas-servizz.

3.2.2

Il-frażi “servizzi regolari speċjali” tfisser servizzi regolari li jipprovdu għat-trasport ta' kategoriji speċifikati ta' passiġġieri bl-esklużjoni ta' passiġġieri oħrajn. Dawn għandhom jinkludu:

a)

it-trasport ta' ħaddiema bejn id-dar u x-xogħol

b)

it-trasport lejn u mill-istituzzjoni edukattiva għal tfal ta' l-iskola u studenti.

Dan is-servizz m'għandux bżonn ta' awtorizzazzjoni (liċenzja għal rotta) jekk dan ikun kopert b'kuntratt konkluż bejn l-organizzatur u t-trasportatur.

3.2.3

Il-frażi “servizzi okkażjonali” tfisser servizzi li ma jaqgħux fl-ambitu tad-definizzjoni ta' servizzi regolari, inklużi s-servizzi regolari speċjali u li l-karatteristika ewlenija tagħhom hija li dawn iġorru gruppi ta' passiġġieri maħluqa fuq l-inizjattiva tal-klijent jew tat-trasportatur innifsu. Dan is-servizz ma jeħtieġx awtorizzazzjoni (liċenzja għal rotta).

3.2.4

“Operazzjonijiet tat-trasport għal rashom” huma dawk li jsiru minn impriża għall-impjegati tagħha jew minn korp mhux bi skop ta' qligħ għat-trasport tal-membri tiegħu b'konnessjoni ma' l-attivitajiet soċjali sakemm

a)

l-attività tat-trasport tkun biss attività anċillari għall-impriża jew korp,

b)

il-vetturi użati jkunu l-proprjetà ta' dik l-impriża jew il-korp jew ikunu suġġetti għal kuntratt ta' kiri fit-tul u jkunu misjuqa minn membru tal-persunal ta' l-impriża jew korp.

Dawn is-servizzi huma eżentati minn kwalunkwe sistema jew awtorizzazzjoni iżda huma suġġetti għal sistema ta' ċertifikati maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru fejn hija reġistrata l-vettura.

3.2.5

Il-kabotaġġ huwa l-operazzjoni tas-Servizzi Nazzjonali tat-Trasport bit-Triq meta jiġu effettwati minn trasportatur mhux residenti fuq bażi temporanja.

3.2.6

L-operazzjonijiet tal-kabotaġġ għandhom jiġu awtorizzati għal dawn is-servizzi:

a)

is-servizzi regolari speċjali kemm-il darba jkunu koperti b'kuntratt konkluż bejn l-organizzatur u t-trasportatur;

b)

is-servizzi okkażjonali;

c)

is-servizzi regolari, imwettqa minn trasportatur mhux residenti fl-Istat Membru ospitanti, f'kors ta' servizz internazzjonali regolari b'konformità ma' dan ir-Regolament, bl-esklużjoni taż-żoni urbani u tal-madwar. L-operazzjonijiet tal-kabotaġġ m'għandhomx isiru indipendentement minn servizz internazzjonali bħal dan.

Il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali għandhom jiġu applikati mill-Istati Membri għat-trasportaturi mhux residenti taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk imposti fuq dawk ta' l-istess nazzjonalità tagħhom.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Artikolu 8 jissemplifika l-proċedura sabiex tinkiseb awtorizzazzjoni (liċenzja għal rotta). Fir-rigward ta' l-aċċess għas-suq, tibqa' raġuni waħda biss għar-rifjut, dik li s-servizz li għalih saret l-applikazzjoni jolqot serjament il-vijabbiltà ta' servizz kumparabbli mħaddem taħt obbligu ta' servizz pubbliku fit-taqsimiet diretti kkonċernati. Dan huwa raġonevoli.

4.2

Pajjiżi ta' tranżitu fejn l-ebda passiġġier ma jitrikkeb jew jitniżżel mhux ser jiġu kkonsultati, imma jkunu infurmati ladarba s-servizz jiġi awtorizzat. Dan itejjeb l-effiċjenza tas-sistema.

4.3

Il-prinċipju ta' sussidjaretà japplika peress li l-proposta ma taqax taħt il-kompetenza esklussiva tal-Komunità. Madankollu, hemm bżonn ta' miżuri ta' salvagwardja sabiex jiġi assigurat li t-trasportaturi mhux residenti ma jkunux suġġetti għal diskriminazzjoni.

4.4

Hemm bżonn ta' aktar kjarifiki fir-rigward ta' l-Artikolu 18(2), li jittratta l-biljetti tat-trasport.

4.5

L-operatur għandu jipprovdi Biljetti tat-Trasport individwali jew kollettivi. Jekk, f'każ ta' spezzjoni minn uffiċjal awtorizzat ta' l-ispettorat, passiġġier(i) ma jinstab(u)x fil-pussess ta' biljett(i) validu(/i), (u l-biljetti jkunu nħarġu qabel mill-operatur), l-operatur ma jistax jinżamm responsabbli għal din is-sitwazzjoni. Ġaladarba jinħarġu l-biljetti, il-passiġġieri jridu jkunu, minn dak il-ħin, responsabbli għall-preżentazzjoni tal-biljetti lil uffiċjal awtorizzat ta' l-ispettorat.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1

F'termini ġenerali, din il-proposta tissodisfa l-objettivi stabbiliti mill-Kummissjoni.

5.2

Hemm bżonn ta' aktar kjarifiki fir-rigward tal-kwistjonijiet relatati ma' każijiet ta' ksur, kemm jekk ikunu serji kif ukoll minuri, u fir-rigward tas-sanzjonijiet amministrattivi li jistgħu jiġu applikati. In-natura u t-tip ta' ksur elenkat fid-diversi kategoriji jridu jiġu definiti u jkunu konsistenti fil-Komunità kollha.

5.3

F'każ ta' każijiet ta' ksur serji jew każijiet ta' ksur minuri ripetuti, l-Istat Membru ospitanti jista' jitlob lill-Istat Membru li ħareġ il-Liċenzja Internazzjonali tat-Trasport sabiex jimponi sanzjonijiet amministrattivi fuq id-detentur tal-Liċenzja (per eżempju irtirar temporanju jew permanenti tal-kopji awtentikati kollha, jew xi ftit minnhom, tal-liċenzja jew irtirar temporanju jew permanenti tal-liċenzja). Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe prosekuzzjoni kriminali fl-Istat Membru ospitanti.

5.4

Jekk minn naħa ssir referenza għal sistema ta' appell fejn huma imposti sanzjonijiet jew fejn jiġu rifjutati l-awtorizzazzjonijiet, min-naħa l-oħra dawn l-appelli għandhom jitqiesu li huma ġusti u mhux diskriminatorji mill-partijiet kollha.

5.5

Għandha tiġi stabbilita bazi ta' data mifruxa ma' l-UE kollha sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju rapidu u effiċjenti ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri fir-rigward tas-servizzi tax-xarabanks u tal-kowċis. Barra minn hekk, meta vettura tiġi spezzjonata minn uffiċjal li jawtorizza, għandu jkun possibbli li jiddaħħal in-numru tal-Liċenzja Internazzjonali tat-Trasport (Liċenzja Komunitarja) u tinkiseb immedjatament l-informazzjoni rilevanti sabiex tiġi verifikata l-validità tal-liċenzja.

Brussell, is-26 ta' Settembru 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


15.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 10/47


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħarsien ta' l-ambjent permezz tal-liġi kriminali”

COM(2007) 51 finali — 2006/0022 (COD)

(2008/C 10/12)

Nhar it-28 ta' Frar 2007, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 174 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħarsien ta' l-ambjent permezz tal-liġi kriminali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-6 ta' Settembru 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Retureau.

Matul l-438 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-26 u s-27 ta' Settembru 2007 (seduta tas-26 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'149 vot favur, 3 voti kontra u 10 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1

Għal darb'oħra, il-Kumitat jaqbel li r-reati serji kontra l-ambjent jistgħu jkunu suġġetti għal sanzjonijiet kriminali. Jafferma mill-ġdid li skondtu, il-Kummissjoni għandu jkollha l-kompetenza sabiex iġġiegħel lill-Istati Membri jadottaw sanzjonijiet kriminali proporzjonati u dissważivi, applikati fil-qafas tas-sistema kriminali ta' kull Stat Membru, meta dan huwa neċessarju sabiex jassiguraw l-applikazzjoni tal-politiki Komunitarji, b'mod partikolari fil-qasam tal-ħarsien ta' l-ambjent kontra reati serji. Il-Kummissjoni fl-aħħar għandha tiddisponi minn poter ta' kontroll fuq l-effiċjenza tal-liġi kriminali applikabbli fil-qasam ikkonċernat u teżerċita dan il-poter b'mod attiv.

1.2

Il-proposta għal direttiva hija mmirata per eżempju lejn reati li jsiru fil-qafas ta' organizzazzjonijiet kriminali (li l-abbozz ikkunsidra ċirkostanza aggravanti). Il-Kumitat huwa konvint li azzjonijiet bħal dawn għandhom ikunu suġġetti għal sanzjonijiet, jew anke għal approssimazzjoni tar-regoli tal-liġi kriminali fl-Istati Membri, iżda t-Trattat u l-każistika huma pjuttost ċari fir-rigward tar-ripressjoni ta' atti li jsiru fil-qafas ta' organizzazzjonijiet kriminali: fil-prinċipju l-approssimazzjoni tar-regoli ta' l-Istati Membri dwar il-liġi kriminali tista' ssir biss fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali kif stipulat fit-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u mhux skond it-Trattat KE kif ġie propost mill-Kummissjoni.

1.3

Il-Kumitat huwa mħasseb ukoll jekk l-istipulazzjoni li ċerti reati jiġu kkastigati bil-priġunerija ma tmurx lil hinn mis-setgħat skond l-ewwel pilastru, u tikkostitwixxi interferenza fl-għażla tas-sanzjonijiet l-aktar adegwati, li bi prinċipju għandhom jibqgħu l-kompetenza ta' l-Istati Membri.

1.4

Huwa tal-fehma li l-kompetenza tal-Komunità għandha tkun ristretta għad-definizzjoni ta' l-obbligi u l-istipulazzjoni li għandhom jiġu applikati sanzjonijiet kriminali. Deċiżjoni qafas ibbażata fuq it-Titolu VI tat-TUE għandha tkun meħtieġa sabiex isiru aktar passi 'l quddiem u tiġi stipulata sistema ta' sentenzi.

1.5

Bl-istess mod, il-Kumitat jistaqsi wkoll jekk il-liġi Komunitarja tistax tasal sabiex timponi livell massimu ta' sanzjonijiet.

1.6

Il-Kumitat jixtieq li l-aspetti politiċi evidenti relatati mat-tqassim tal-kompetenzi u r-rwol li huwa jixtieq li l-Parlament ikollu fil-leġiżlazzjoni kollha li tinkludi kapitolu kriminali jistgħu jkunu suġġett ta' ġurisprudenza aktar preċiża tal-Qorti jew ta' ftehim interistituzzjonali, jew ta' riforma li tista' tiġi integrata fir-riforma tat-Trattati mis-CIG attwali; din l-aħħar possibbiltà hija preferuta, minħabba l-urġenza sabiex jiġu adottati sanzjonijiet effettivi għall-ħarsien ta' l-ambjent.

2.   Introduzzjoni

2.1

Fl-1998, il-Kunsill ta' l-Ewropa fetaħ għall-firma Konvenzjoni dwar il-Ħarsien ta' l-Ambjent permezz tal-Liġi Kriminali. Dan kien sinifikattiv għaliex irrappreżenta l-ewwel konvenzjoni internazzjonali sabiex jiġu kriminalizzati atti li jikkawżaw u jafu jikkawżaw ħsara ambjentali. Madankollu, il-Ġermanja, segwita minn Franza u r-Renju Unit, esprimiet ir-riluttanza tagħha li tirratifika l-Konvenzjoni. Bħala riżultat ta' dan, id-Danimarka u l-Kummissjoni t-tnejn ippreżentaw inizjattivi separati bil-għan li jitħares l-ambjent permezz tal-liġi kriminali.

2.2

Id-deċiżjoni qafas tal-Kunsill, adottata mill-Kunsill fuq proposta tad-Danimarka, u kontra l-opinjoni u l-proposti tal-Kummissjoni, tat definizzjoni ta' numru ta' reati ambjentali, li għalihom l-Istati Membri ntalbu jintroduċu sanzjonijiet kriminali. Id-dispożizzjonijiet tad-dokument kienu fil-biċċa l-kbira bbażati fuq dawk tal-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar il-Ħarsien ta' l-Ambjent permezz tal-Liġi Kriminali ta' l-4 ta' Novembru 1998, u li s'issa huwa ffirmat, minn għaxar Stati Membri.

2.3

Il-Kummissjoni opponiet il-bażi legali magħżula quddiem id-diversi korpi tal-Kunsill. Kienet tal-fehma li l-Artikolu 175(1) tat-TKE huwa l-bażi ġuridika t-tajba f'dan ir-rigward, u, fil-15 ta' Marzu 2001 ippreżentat Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Ħarsien ta' l-Ambjent permezz tal-Liġi Kriminali msejsa fuq dan l-artikolu (1), għalkemm l-Artikolu 174 tat-TKE ma ta ebda setgħat lill-Komunità f'kwistjonijiet kriminali.

2.4

Fid-9 ta' April 2002, il-Parlament Ewropew adotta rapport dwar id-direttiva proposta kif ukoll dwar l-abbozz ta' deċiżjoni qafas, u qabel ma' l-approċċ imressaq mill-Kummissjoni dak iż-żmien (direttiva u deċiżjoni qafas).

2.5

Madankollu, il-Kunsill m'adottax id-direttiva u d-deċiżjoni qafas proposti mill-Kummissjoni iżda verżjoni emendata ta' l-abbozz tagħha ta' deċiżjoni qafas, imsejjes fuq l-Artikolu 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropew li, fil-fehma tiegħu, jirrappreżenta strument xieraq li jobbliga lill-Istati Membri sabiex jintroduċu sanzjonijiet kriminali. Enfasizza li l-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri kienu kontra li jirrikonoxxu s-setgħat kriminali min-naħa tal-Komunità, u kienu konvinti li kwistjonijiet bħal dawn jidħlu fl-ambitu tal-kooperazzjoni bejn il-pulizija u dik ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali kif stipulat fit-Titolu VI tat-TUE.

2.6

Il-każ tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li ħarġet is-sentenza tagħha fit-13 ta' Settembru 2005 (2).

2.7

Il-Parlament, kif ukoll il-Qorti u l-Avukat Ġenerali, jemmnu li m'hemm l-ebda setgħa ġenerali tal-Komunità sabiex tarmonizza l-liġi kriminali, iżda f'ċerti oqsma definiti b'mod ċar, bħal f'dan dwar il-ħarsien ambjentali, il-Komunità tista' tobbliga lill-Istati Membri sabiex jippreskrivu sanzjonijiet kriminali.

Mill-parti tagħha, il-Kummissjoni interpretat is-sentenza b'mod wiesa' ħafna, u tat lilha nnifisha poteri vasti f'ħafna politiki Komunitarji barra minn dik ta' l-ambjent.

2.8

Wara s-sentenza tal-Qorti Ewropa tal-Ġustizza li ħassret id-deċiżjoni qafas, il-Kummissjoni ppreżentat proposta ġdida għal direttiva. Il-Qorti ġġudikat li, għalkemm bħala regola ġenerali, la l-liġi kriminali u lanqas ir-regoli tal-proċedura kriminali ma jaqgħu taħt il-kompetenza Komunitarja, dan ma jwaqqafx il-leġiżlatura Komunitarja, meta l-applikazzjoni ta' sentenzi kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tikkostitwixxi miżura essenzjali fil-ġlieda kontra reati ambjentali serji, milli tadotta miżuri relatati mal-liġi kriminali ta' l-Istati Membri meta jkunu neċessarji sabiex jiżguraw li l-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-ħarsien ambjentali tkun kompletament effettiva (3). Il-Kumitat ifakkar li l-Qorti enfasizzat il-fatt li fil-prinċipju, il-Komunità ma kellhiex kompetenza fi kwistjonijiet kriminali, ikkunsidrati bħala qasam ta' sovranità ta' l-Istati Membri mit-TUE. Il-formula kkwotata ta' “miżuri relatati mal-liġi kriminali” tant hija vaga li tħalli lok għal kull xorta ta' interpretazzjonijiet, sikwit kontradittorji.

2.9

Din is-sentenza ssaħħaħ il-preżentazzjoni tal-Kummissjoni ta' proposta emendata għal direttiva (4), li fiha hemm inklużi inkriminazzjonijiet kif ukoll sanzjonijiet, peress li temmen li sanzjonijiet purament amministrattivi jew ċerti sanzjonijiet kriminali applikabbli f'xi pajjiżi huma wisq differenti jew dgħajfin wisq sabiex ikollhom effett xieraq bħala deterrent, b'mod partikulari fejn hija involuta l-kriminalità organizzata. Għal din ir-raġuni hemm bżonn li jittieħdu passi sabiex ikun żgurat livell minimu ta' armonizzazzjoni tal-liġi kriminali applikabbli għal reati ambjentali serji — kemm dawk li jirriżultaw minn atti b'intenzjoni kriminali kif ukoll minn negliġenza serja.

2.10

F'opinjoni preċedenti (5), il-KESE appoġġja l-proposta inizjali tal-Kummissjoni għal direttiva, u l-abbozz tagħha ta' deċiżjoni qafas, skond liema l-Istati Membri kellhom jadottaw sanzjonijiet kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi sabiex jiġġieldu reati kontra l-ambjent. L-azzjoni għall-annullament ippreżentata mill-Kummissjoni u appoġġjata mill-Parlament Ewropew kontra d-deċiżjoni qafas tal-Kunsill kienet appoġġjata wkoll mill-Kumitat, għalkemm f'deċiżjoni preliminari ta' proċedura, il-Qorti eskludiet kwalunkwe intervent mill-Kumitat.

2.11

Għalhekk l-għan huwa li jiġi evalwat jekk:

il-proposti l-ġodda jikkonformaw mal-qafas stabbilit mill-Qorti,

is-sanzjonijiet proposti huma proporzjonati ma' l-għan li tkun żgurata l-effettività tal-liġi ambjentali u livell ogħla ta' armonizzazzjoni tal-liġijiet nazzjonali (l-obbligu li jiġu introdotti sanzjonijiet kriminali biżżejjed dissważivi sabiex jiggarantixxu l-effikaċja tal-leġislazzjoni applikabbli).

2.12

Id-dibattitu wiesa' li beda wara li ħarġet is-sentenza, fuq livell ta' politika u fir-rigward ta' l-opinoni legali dwar il-kostituzzjonalità li jiġu estiżi l-kompetenzi tal-Komunità għal kwistjonijiet kriminali għall-implimentazzjoni ta' politiki Komunitarji u d-dibattitu dwar il-preċedenza tat-TKE fuq it-TUE f'dawn l-oqsma, minkejja dan, ser ikollhom jiġu kkunsidrat mill-Kumitat (6), fir-rigward tal-bosta proposti leġiżlattivi li l-Kummissjoni qed tipprevedi li tirrivedi, kif għamlet riċentement fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (7), per eżempju.

2.13

Ħafna Stati Membri fil-fatt jisfidaw l-interpretazzjoni kemxejn wiesgħa li l-Kummissjoni hija mistennija li tagħti dwar is-sentenza, fir-rigward kemm tal-kontenut tal-proposti ambjentali ġodda kif ukoll ta' l-introduzzjoni ta' kapitolu penali “minimu” għall-implimentazzjoni effettiva tal-politiki Komunitarji kollha (u mhux biss ta' politika espliċitament trasversali, bħall-ambjent), għalkemm it-Trattat KE ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni espliċita dwar dan. Skond dawn l-Istati Membri, l-użu tal-każistika tal-Qorti għandha tkun ristretta għall-politika ambjentali minħabba li l-ambjent min-natura tiegħu huwa transsettorjali u transkonfinali, u minħabba t-test tas-sentenza, u mhux bħala karta bajda mogħtija lill-Kummissjoni għall-politiki Komunitarji kollha.

2.14

Fil-każ speċifiku li qiegħed jiġi eżaminat, il-Kumitat ser jillimita l-kummenti tiegħu għal proposti li jikkonċernaw l-ambjent, l-uniku qasam kopert b'mod espliċitu mis-sentenza tal-Qorti.

2.15

Fil-qosor, il-Kummissjoni ddeċidiet li tipproponi inkriminazzjonijiet u sanzjonijiet kriminali bħala limitu minimu ta' penali, għal “reati ambjentali” fir-rigward ta' kwalunkwe persuna naturali jew legali li tikkometti, tgħin jew tinstiga reati ambjentali serji, jew li twassal għal tali reati minħabba negliġenza serja. Huma speċifikati priġunerija u/jew multi, flimkien ma' sanzjonijiet addizzjonali (Artikolu 5), u jistgħu jiġu estiżi jew supplimentati minn inkriminazzjonijiet u sanzjonijiet addizzjonali skond il-liġi nazzjonali.

3.   Il-kummenti tal-Kumitat

3.1

Il-Kumitat jenfasizza d-delużjoni tiegħu għall-fatt li s-sanzjonijiet penali għar-reati ambjentali, li dwarhom jappoġġja l-prinċipju u l-livell, kif diġà afferma dwar il-proposta ta' direttiva u dwar il-proposta ta' deċiżjoni qafas tal-Kummissjoni fl-2005, ilhom sabiex jitwettqu s-snin u forsi anke għal diversi snin oħra minħabba nuqqas ta' qbil bejn l-istituzzjonijiet dwar it-tqassim tal-kompetenzi stabbiliti fit-TKE u fit-TUE; jixtieq li tinstab soluzzjoni politika malajr kemm jista' jkun fost l-istituzzjonijiet, anke fir-rigward ta' l-involviment tal-Parlament, li titwassal għal kjarifika tat-Trattati grazzi għas-CIG li ser tibda bil-ħidma tagħha, jew b'mod alternattiv, permezz tal-ġurisprudenza ulterjuri tal-Qorti.

3.2

Id-definizzjoni ta' reati ambjentali suġġetti għal sanzjonijiet kriminali, bħal “deterjorazzjoni sinifikattiva”, għadha ma ġietx interpretata meta kienet inkorporata fil-liġi domestika jew fil-każistika kriminali ta' l-Istati Membri varji.

3.3

Il-Kumitat jinnota li d-direttiva tqis “reati serji” bħala prijorità, b'mod speċjali dawk li jsiru minn organizzazzjonijiet tal-kriminalità, jew dawk li jsiru fuq skala kbira minn persuni legali, u jinnota wkoll li d-direttiva timmira li tressaq is-sanzjonijiet applikabbli għal-livell Komunitarju sabiex jiġi evitat li nuqqasijiet jiġu użati minn kriminali. Iżda kwistjonijiet relatati mal-kriminalità organizzata jaqgħu taħt it-Titolu VI tat-TUE relatat mal-kooperazzjoni bejn il-pulizija u dik ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali, u għalhekk għandhom jiġu regolati minn strument legali xieraq, bħal per eżempju, id-deċiżjoni qafas.

3.4

Il-karattru ġenerali ta' l-inkriminazzjoni ġiegħel lil gazzetta “tabloid” Ingliża ssaqsi jekk individwu privat jaqta' xi fjuri selvaġġi jistax jispiċċa l-ħabs, jekk ikun il-każ li l-bukkett fjuri jinzerta jkun fih speċi protetta. Għandu jiġi enfasizzat li sanzjonijiet kriminali għandhom japplikaw biss f'każijiet “serji” u għandhom jibqgħu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Sabiex tiġi rispettata l-indipendenza tal-poter ġudizzjarju huwa neċessarju li l-imħallef tal-qorti kriminali nazzjonali inkarigat mill-applikazzjoni jżomm il-fakultà sħiħa tiegħu li jivvaluta każ b'każ il-gravità tad-delitt u l-livell tal-piena relatata.

3.5

Mill-parti tiegħu, il-Kumitat huwa sodisfatt mill-fatt li d-direttiva proposta (Artikolu 3) tagħti dettalji ċari dwar l-atti illegali koperti, f'konformità mal-prinċipju ġenerali tal-liġi “Nulla poena sine lege”  (8), prinċipju ġenerali li jesiġi li l-leġislazzjoni kriminali tkun ċara u preċiża, sabiex l-individwi kkonċernati jkunu konxji mingħajr ambigwità tad-drittijiet u l-obbligi involuti, jew fi kliem ieħor: l-ebda sanzjoni mingħajr il-bażi legali speċifika.

3.6

Huwa ċar li ksur tal-leġiżlazzjoni ambjentali kollha, kemm ta' oriġini nazzjonali, Komunitarja jew internazzjonali, huwa kopert mis-sistema ta' sanzjonijiet kriminali proposta mill-Kummissjoni. Dan il-qasam ta' applikazzjoni partikularment wiesgħa jista' jkun ta' diffikultà legali fir-rigward tal-bażi nazzjonali tal-liġi komuni jew ta' l-istrumenti awtonomi ta' kontroll tal-liġi internazzjonali. Ir-“reati serji” kkonċernati huma dawk kommessi kemm fi ħdan il-fruntieri nazzjonali kif ukoll dawk f'ambitu transkonfinali. Madankollu, il-Kumitat jaqbel ma' dan il-materjal u l-kamp ta' applikazzjoni territorjali, li jitqajjem min-natura speċifika tal-ħarsien ambjentali, fejn reati kontra dan il-ħarsien ġeneralment jaffettwaw l-ambjent globali, irrispettivament mill-fruntieri.

3.7

Sanzjonijiet kriminali u mhux kriminali huma stipulati għal persuni legali, iżda mhuwiex ċar jekk is-sanzjonijiet kriminali applikabbli jistgħux jiġu imposti fuq persuni naturali, bħall-maniġers tal-kumpaniji kkonċernati. Is-sanzjonijiet japplikaw biss għal persuni li jappartjenu għall-persuna legali, li huma l-awturi jew l-instigaturi diretti ta' l-azzjonijiet suġġetti għall-proċeduri. Il-Kumitat iqis li d-direttiva għandha tikkunsidra wkoll il- maniġers li sempliċiment naqsu milli jissorveljaw l-azzjonijiet ta' dawk ta' taħthom, anke jekk dan jinvolvi biss sanzjonijiet supplimentari.

3.7.1

Il-Kumitat josserva li l-Artikolu 7 tal-proposta jistabbilixxi valuri minimi għal multi massimi, iżda l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu sentenzi iktar severi, jekk xierqa, meta jittrasponu l-leġiżlazzjoni. Dan huwa limitat għall-garanzija ta' minimu komuni, iżda hemm riskju li jinħolqu approċċi kriminali nazzjonali diverġenti. Il-Kumitat jippreferi approċċ ta' armonizzazzjoni kriminali iktar b'saħħtu, sabiex jiġi evitat li tinħoloq tentazzjoni li jitfittex it-tribunal l-inqas sever, anke jekk dan ifisser ammonti minimi ogħla għal multi massimi.

3.8

Però, skond il-valutazzjoni ta' l-impatt tal-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom igawdu minn libertà konsiderevoli fir-rigward ta' l-implimentazzjoni. Fil-fehma tal-Kumitat għandu jsir monitoraġġ regolari tal-prattiki nazzjonali, għaliex diskrepanzi fit-traspożizzjoni huma tali li tixxekkel l-approssimazzjoni effettiva tal-liġi kriminali dwar l-ambjent. Il-marġni normali ta' valutazzjoni ta' l-Istati Membri, b'mod ġenerali, iridu jevitaw li joħolqu żoni fejn it-tniġġis “iqum inqas”. F'din il-perspettiva, il-Kumitat jesprimi l-qbil tiegħu ma' l-għażla ta' l-Artikolu 175 tat-Trattat KE bħala l-bażi legali.

3.9

Fir-rigward tal-priġunerija, il-Kumitat jinnota li l-approssimazzjoni hija proposta fuq il-baż ta' l-iskala ta' tliet passi, li jikkorrespondu mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Intern tal-25-26 ta' April 2002. Sanzjonijiet alternattivi huma pprovduti wkoll, apparti l-kumpens għad-danni kkawżati, bħad-diskwalifika mit-twettiq ta' attività ekonomika. Fl-aħħar nett, il-maġġoranza tar-reati ambjentali serji huma koperti mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212/JHA dwar il-Konfiska ta' Qligħ, Mezzi u Proprjetà li huma konnessi ma' reati jew atti kriminali.

3.10

Barra minn hekk, l-istabbiliment ta' ammont massimu minn sentejn għal ħames snin huwa għażla daqsxejn stramba: kien ikun aħjar li jintgħażel livell minimu wieħed għal sentenza massima, fl-interess ta' aktar armonizzazzjoni, meta wieħed iqis li dan bl-ebda mod ma kien jipperikola l-għażla ta' mħallef li jkun iktar diskret.

3.11

Madankollu, il-Kummissjoni tqis li t-twaqqif ta' limiti għad-diskrezzjoni ta' l-Istati Membri fir-rigward tat-traspożizzjoni imur kontra l-objettiv tad-direttiva. Hawnhekk jeżisti kunflitt bejn il-loġika kriminali preferuta mill-Kumitat u dik mill-Kummissjoni. Mingħajr dubju, fid-dawl tar-realtajiet ta' applikazzjoni, irid ikun hemm insistenza fuq loġika minflok fuq oħra, b'tali mod li jintlaħqu l-objettivi tal-proposta.

3.12

Il-KESE huwa konxju li fl-istadju attwali tal-proċess ta' integrazzjoni Komunitarja, mhuwiex possibbli regolament dwar dan is-suġġett. Madankollu, hemm it-tħassib dwar il-ħtieġa għal distinzjoni ċara bejn sanzjonijiet amministrattivi u l-kriminalità, u li jkun żgurat li t-traspożizzjoni ma twassalx għal differenzi kbar fil-leġiżlazzjoni ta' l-Istati Membri — ma tkunx ħaġa loġika li ċerta mġiba tkun punibbli fi Stat Membru wieħed u mhux f'ieħor.

3.13

Ir-rapport dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva (Artikolu 8) għandu jkun indirizzat ukoll lill-KESE.

3.14

Għandhom jitqiesu il-fehmiet tal-KESE kif ġew espressi qabel (9), b'mod speċjali fir-rigward ta':

ius standi (id-dritt li wieħed jaġixxi sabiex titnieda l-azzjoni pubblika kriminali) b'mod li l-assoċjazzjonijiet u l-NGOs ikunu jistgħu jressqu proċeduri quddiem il-qorti fuq il-bażi tad-direttiva; is-sistema tal-Konvenzjoni ta' Aarhus, preferibbli għal kwalunkwe sistema ta' azzjoni rappreżentattiva, tista' sservi ta' mudell għall-implimentazzjoni ta' din il-liġi mill-NGOs akkreditati;

tisħiħ tal-makkinarju ta' kooperazzjoni u investigazzjoni ta' l-awtoritajiet ġudizzjarji sabiex ikunu jistgħu jħarrku reati ambjentali, jirrakkomanda t-twaqqif ta' uffiċċji tal-prosekuturi pubbliċi li jispeċjalizzaw fi kwistjonijiet ambjentali;

l-użu ta' netwerks ġudizzjarji Ewropej għall-istabbiliment ta' kooperazzjoni neċessarja fir-rigward ta' reati transkonfinali.

Brussell, is-26 ta' Settembru 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  ĠU C 180, p. 238.

(2)  Sentenza tat-13 ta' Settembru 2005, Każ C-176/03.

(3)  Punt 48 tas-sentenza.

(4)  Proposta għal Direttiva COM(2007) 51 finali tad-9.2.2007.

(5)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (COM(2003) 624 finali) (ĠU C 117 30.4.2004, p. 55), għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Århus

(6)  Wieħed għandu jinnota li l-mandat għar-riforma tat-trattati jistipula li t-TKE u t-TUE riveduti għandhom ikunu ugwali.

(7)  CESE 981/2007, (għadha mhix ippubblikata fil-ĠU).

(8)  Sentenza tal-Qorti tat-8 ta' Frar 2007, Każ C-3/06 P, Groupe Danone.

(9)  Ara CES 463/2001 fin tal-31 ta' Lulju 2001 (NAT/114).


15.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 10/51


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-proċeduri Komunitarji għall-iffissar ta' limiti ta' residwu ta' sustanzi farmakoloġikament attivi fl-oġġetti ta' l-ikel li joriġina mill-annimali, li jirrevoka r-Regolament (KEE) Nru 2377/90”

COM(2007) 194 finali — 2007/0064 (COD)

(2008/C 10/13)

Nhar it-22 ta' Mejju 2007, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 37 u l-Artikolu 152 paragrafu 4punt b tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-proċeduri Komunitarji għall-iffissar ta' limiti ta' residwu ta' sustanzi farmakoloġikament attivi fl-oġġetti ta' l-ikel li joriġina mill-annimali, li jirrevoka r-Regolament (KEE) Nru 2377/90.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-4 ta' Lulju 2007. (ir-rapporteur kien is-Sur Coupeau).

Matul l-438 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-26 u s-27 ta' Settembru (seduta tas-26 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'151 vot favur, u 6 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jinnota d-dispożizzjonijiet adottati mill-Kummissjoni Ewropea.

1.2

Il-Kumitat jixtieq li s-sustanza farmakoloġika kollha destinata għall-annimali produtturi ta' l-ikel tiġi ppreżentata lill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMEA) u li l-limiti massimi ta' residwi (MRL) jiġu evalwati mill-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu Veterinarju.

1.3

Kull intrapriża li tipproponi prodotti farmakoloġiċi għall-annimali għandha tikseb l-awtorizzazzjoni ta' l-EMEA u l-evalwazzjoni ta' l-MRLs mill-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu Veterinarju.

1.4

Sabiex jiġi evitat li jkun hemm ostakli għaċ-ċirkolazzjoni tal-prodotti fi ħdan il-Komunità Ewropea, dawn l-awtorizzazzjonijiet ser ikunu validi fl-Istati Membri kollha ta' l-UE.

1.5

Il-proċedura tat-tqegħid fis-suq trid tiġi semplifikata, filwaqt li jinżamm livell għoli tal-ħarsien tal-konsumatur.

1.6

Is-semplifikazzjoni u ċ-ċarezza tad-dokumenti Ewropej ser ikunu ta' ġid għal kull ċittadin. L-aċċessibbiltà tippermetti lil kulħadd li jagħraf u jifhem il-kontribuzzjoni ta' l-Ewropa fil-ħajja ta' kuljum.

2.   Objettiv tal-proposta

2.1

L-objettiv huwa li tkompli tillimita l-iskopertura tal-konsumatur għal sustanzi farmakoloġikament attivi.

2.2

Filwaqt li jinżamm livell għoli ta' ħarsien tal-konsumaturi, il-proposta għandha tikkontribwixxi għas-semplifikazzjoni tal-leġislazzjoni.

2.3

Sabiex jinkiseb l-għan li qiegħed jiġi segwit, l-għanijiet speċifiċi li ġejjin għandhom jiġu kkunsidrati:

a)

disponibbiltà mtejba tal-prodotti mediċinali veterinarji għall-annimali li jipproduċu l-ikel sabiex ikunu żgurati s-saħħa u l-benesseri ta' l-annimali u jiġi evitat l-użu illegali tas-sustanzi;

b)

semplifikazzjoni tal-leġislazzjoni eżistenti billi jitħaffef il-qari tad-dispożizzjonijiet dwar l-MRLs stabbiliti għall-utenti aħħarija;

ċ)

provvediment ta' referenzi ċari għall-kontroll tar-residwi ta' sustanzi farmakoloġikament attivi fl-oġġetti ta' l-ikel biex jittejjeb il-ħarsien tas-saħħa tal-konsumatur u l-funzjonament tas-Suq Uniku;

d)

jiċċaraw il-proċeduri tal-Komunità sabiex jiġu stabbiliti l-Limiti Residwi Massimi (MRLs) billi tiġi żgurata l-konsistenza ma' l-istandards internazzjonali.

3.   Kuntest attwali

3.1

Il-qafas legali attwali għall-MRLs wassal għal problemi partikulari.

a)

Id-disponibbiltà tal-mediċini veterinarji naqset sal-grad li nħolqu effetti negattivi għas-saħħa ta' l-annimali u tal-pubbliku u għall-benesseri ta' l-annimali.

b)

Standards internazzjonali appoġġjati mill-UE ma jistgħux jiġu inklużi fil-leġislazzjoni tal-Komunità mingħajr valutazzjoni xjentifika ġdida mill-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini.

ċ)

Servizzi tal-kontroll ta' l-Istati Membri m'għandhomx punti ta' referenza b'mod partikulari għal sustanzi misjuba fl-ikel minn pajjiżi terzi.

d)

Il-leġislazzjoni attwali hija diffiċli biex tinftiehem.

4.   Dispożizzjonijiet proposti

4.1

Il-bidliet ewlenin proposti huma dawn li ġejjin:

a)

evalwazzjoni tal-possibbiltajiet ta' ekstrapolazzjoni tal-parti obbligatorja ta' l-evalwazzjoni xjentifika ġenerali u toħloq bażi legali għall-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-prinċipji sabiex tapplika l-ekstrapolazzjoni.

b)

introduzzjoni ta' obbligu sabiex il-leġislazzjoni tal-Komunità tiġi adatta sabiex tinkludi l-MRLs stabbiliti mill-Codex bl-appoġġ ta' l-UE.

ċ)

bidla tal-qafas legali speċifiku sabiex jistabbilixxi limiti residwi massimi għal sustanzi attivi farmaloġikament mhux intenzjonati li jiġu awtorizzati bħala mediċini veterinarji b'mod partikulari għal skopijiet ta' kontroll u għal ikel importat;

4.2

Il-Kummissjoni ħadet ħsieb tikkonsulta mal-partijiet interessati sabiex tevalwa l-modifiki neċessarji.

5.   Rakkomandazzonijiet

5.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jinnota d-dispożizzjonijiet adottati mill-Kummissjoni Ewropea.

5.2

Il-Kumitat jixtieq li s-sustanza farmakoloġika kollha destinata għall-annimali produtturi ta' l-ikel tiġi ppreżentata lill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMEA) u li l-limiti massimi tar-residwu (MRL) jiġu evalwati mill-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu Veterinarju.

5.3

Kull intrapriża li tipproponi prodotti farmakoloġiċi għall-annimali għandha tikseb l-awtorizzazzjoni ta' l-EMEA u l-evalwazzjoni ta' l-MRLs mill- Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu Veterinarju.

5.4

Sabiex jiġi evitat li jkun hemm ostakli għaċ-ċirkolazzjoni tal-prodotti fi ħdan il-Komunità Ewropea, dawn l-awtorizzazzjonijiet ser ikunu validi fit-territorji Ewropej kollha.

5.5

Il-proċedura tat-tqegħid fis-suq trid tiġi semplifikata filwaqt li jinżamm livell għoli tal-ħarsien tal-konsumatur.

5.6

L-iżvilupp ta' l-għarfien xjentifiku ser jippermetti li jiġi determinat in-nuqqas ta' ħsara tal-prodotti, iż-żmien ta' stennija bejn l-amministrazzjoni tal-medikament fl-annimal u l-qtil ta' dan qabel ma jiġi kkonsmat.

5.7

L-iżvilupp ta' l-għarfien xjentfiku għandu jistabilixxi limitu massimu ta' residwi permezz ta' l-intermedjarju tal-Kunsill.

5.8

Domanda tal-proċeduri: il-fatti ġew ipprovati, il-ġestjoni tad-domanda ta' l-awtorizzazzjoni għandha tkompli teżisti.

5.9

Il-klassifika tas-sustanzi farmakoloġikament attivi għandha ssir hekk:

a)

limitu massimu ta' residwi;

b)

in-nuqqas ta' limitu massimu ta' residwi;

ċ)

il-projbizzjoni fuq l-amministrazzjoni ta' sustanza.

5.10

L-EMEA għandha tikkonsulta l-laboratorji ta' referenza, u tiddetermina l-proċess għall-analiżi tar-residwi.

5.11

Iċ-ċirkolazzjoni ta' l-ikel li oriġina fl-annimali ma tistax tiġi mfixkla fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

5.12

Is-semplifikazzjoni u ċ-ċarezza tad-dokumenti Ewropej ser ikunu ta' ġid għal kull ċittadin. L-aċċessibbiltà tippermetti lil kulħadd li jagħraf u jifhem il-kontribuzzjoni ta' l-Ewropa fil-ħajja ta' kuljum.

5.13

Il-prodotti tal-laħam minn barra l-Komunità li jużaw mediċini mhux elenkati fuq livell Ewropew, għandhom jiġu studjati xjentifikament sabiex jiġi pprovat li m'humiex ta' ħsara, sottomessi għall-EMEA, u mbagħad iridu jiksbu approvazzjoni ta' l-MRL tal-Kumitat, sabiex jiġi assigurat il-ħarsien totali tal-konsumatur.

5.14

Il-Kummissjoni għandha timxi 'l quddiem fuq il-problema tad-disponibbiltà tas-sustanzi ta' mediċina għal ċerti speċi (mogħoż, fniek …), li minħabba nuqqas ta' potenzjal ta' qligħ ma jiġux żviluppati mil-laboratorji.

Brussell, is-26 ta' Settembru 2007

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


15.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 10/53


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' qafas Komunitarju għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu tad-data fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku dwar il-Politika Komuni dwar is-Sajd”

COM(2007) 196 finali 2007/0070 (CNS)

(2008/C 10/14)

Nhar l-1 ta' Ġunju 2007, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 37 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' qafas Komunitarju għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu tad-data fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku dwar il-Politika Komuni dwar is-Sajd.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-6 ta' Settembru 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Sarró Iparraguirre.

Matul l-438 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-26 u s-27 ta' Settembru 2007 (seduta tas-26 ta' Settembru 2007), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'150 vot favur, 1 kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

B'mod ġenerali, il-Kumitat jilqa' bi pjaċir il-proposta għal regolament.

1.2

Il-KESE jiddubita kemm il-proposta għal regolament ġenwinament tirrappreżenta “semplifikazzjoni” tar-regolament li huwa fis-seħħ attwalment, li tista' tikkontribwixxi sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv, kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-partijiet ikkonċernati.

1.3

Il-Kumitat huwa tal-fehma li d-definizzjoni li tagħti l-Kummissjoni Ewropea għal “utenti aħħarin” hija vaga, peress li tista' tapplika għal kwalunkwe individwu. Għalhekk, il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni temenda din id-definizzjoni, sabiex tkun aktar preċiża.

1.4

Il-KESE jqis li d-data ambjentali għandha tinġabar kull sena, prinċipalment permezz ta' stħarriġ fuq il-baħar li jsir mill-Istati Membri, bħala parti minn programmi xjentifiċi dwar is-sajd.

1.5

Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tikkjarifika aktar x'jikkaġuna n-nuqqas ta' konformità li jwassal sabiex jiġu imposti penali fuq l-Istati Membri u li għandha temenda l-korrezzjonijiet finanzjarji.

1.6

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni sabiex tneħħi r-referenza għall-aċċess mingħajr restrizzjonijiet ta' aġenti responsabbli mill-kampjunar ta' data ekonomika għall-istabbilimenti kummerċjali minħabba l-problemi legali li dan jista' joħloq.

1.7

Il-KESE jemmen li l-Kummissjoni għandha tipprovdi b'mod speċifiku li l-Istati Membri jiffinanzjaw skemi ta' osservaturi fuq il-baħar u li l-programmi ta' awtokampjunar, li jitwettqu mill-ekwipaġġ abbord il-bastiment, jitnaqqsu kemm jista' jkun, peress li jistgħu jiġġeneraw ammont eċċessiv ta' xogħol.

1.8

Fir-rigward ta' l-evalwazzjoni ta' l-impatt tas-sajd fuq l-ambjent, il-Kumitat huwa tal-fehma li l-Kummissjoni Ewropea għandha tiddefinixxi b'mod ċar liema data teħtieġ u min ser ikun responsabbli li jiġborha.

1.9

Il-KESE jqis li l-ġbir ta' data li jwassal għall-evalwazzjoni tal-livell ta' interazzjonijiet bejn l-ispeċijiet ser ikun diffiċli u għalhekk jipproponi li dan il-punt jitneħħa.

1.10

Fir-rigward tal-ġestjoni u l-użu tad-data primarja li tinġabar, il-Kumitat jixtieq jenfasizza kemm huwa importanti li kull min ikollu aċċess għal din id-data jqisha bħala konfidenzjali, kif imniżżel fil-proposta għal regolament.

1.11

Il-Kumitat jemmen li huwa prattikament impossibbli li jinbdew programmi Komunitarji u nazzjonali fl-2008, u għaldaqstant jirrakkomanda li l-Kummissjoni tnedihom fl-2009.

2.   Stqarrija spjegattiva

2.1

Il-ġbir sistematiku ta' data bażika affidabbli dwar is-sajd huwa pedament ta' l-evalwazzjonijiet ta' l-istokkijiet tal-ħut u l-pariri xjentifiċi, u għaldaqstant huwa ta' importanza kruċjali għall-implimentazzjoni tal-Politika Komuni dwar is-Sajd.

2.2

Il-Kummissjoni rrevediet is-sistema attwali li ġiet stabbilita mir-regolament qafas għall-ġbir tad-data (1) numru ta' snin wara l-ewwel implimentazzjoni tagħha u temmen li s-sistema għandha bżonn tiġi riveduta sabiex tkun tista' tqis kif inhu xieraq il-ħtiġijiet ta' strateġija fil-qasam tal-ġestjoni tas-sajd li tkun imsejsa fuq il-flotot, il-bżonn li tiġi żviluppata strateġija għall-ekosistema, il-bżonn għal kwalità aħjar, kompletezza u aċċess usa' għad-data dwar is-sajd, appoġġ aktar effiċjenti għall-għoti tal-parir xjentifiku u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni fost l-Istati Membri.

2.3

Għalhekk qiegħda tippreżenta l-proposta għal Regolament tal-Kunsill “dwar l-istabbiliment ta' qafas Komunitarju għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu tad-data fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku dwar il-Politika Komuni dwar is-Sajd” (2), is-suġġett ta' din l-opinjoni, bl-għan li jkunu żviluppati programmi reġjonali ta' kampjunar għall-medda t-twila li jkunu integrati tajjeb u li jkopru data bijoloġika, ekonomika, ambjentali u soċjali, sabiex jiġu indirizzati d-domandi l-ġodda li jirriżultaw mill-ħtieġa li nimxu lejn il-ġestjoni tas-sajd u lejn approċċ ekosistemiku għall-ġestjoni tas-sajd.

2.4

Il-proposta tiddikjara li s-sistema l-ġdida ta' ġbir ta' data ser tkopri l-proċess kollu, mill-ġbir tad-data fuq il-baħar sa l-użu tagħha mill-utenti aħħarin. Barraminhekk, tipprovdi b'mod innovattiv għall--ġbir ta' data ambjentali, bil-għan li jiġi ssorveljat l-impatt ta' l-attvità marbuta mas-sajd fuq l-ekosistema marittima, penali finanzjarja għall-Istati Membri li ma jirrispettawx ir-regoli, titjib fl-aċċess għad-data u l-użu tagħha u tnaqqis fil-piż amministrattiv għall-partijiet kollha kkonċernati (fi kliem ieħor, semplifikazzjoni).

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Bl-għan li jittejjeb il-parir xjentifiku, il-proposta għal regolament tistabbilixxi regoli dwar il-ġbir u l-ġestjoni — fil-qafas tal-programmi multiannwali — ta' data bijoloġika, ambjentali, ekonomika u soċjali dwar is-settur tas-sajd u l-użu ta' din id-data fil-qafas tal-Politika Komuni dwar is-Sajd.

3.2

Din id-data bażika dwar is-sajd għandha tikkontribwixxi sabiex issir evalwazzjoni ta' l-attività tad-diversi flotot tas-sajd; issir sinteżi, bis-saħħa tad-data miġbura, skond id-dispożizzjonijiet Komunitarji l-oħra dwar il-Politika Komuni dwar is-Sajd; jiġi kkalkulat il-volum totali kemm tal-qabdiet kif ukoll tal-qabdiet li jiġu skartati, skond l-istokk u t-taqsima tal-bastiment kummerċjali; issir klassifikazzjoni tal-qabdiet skond iż-żona ġeografika u l-perijodu ta' żmien; tiġi evalwata l-abbundanza ta' l-istokkijiet tal-ħut kif ukoll kif inhuma mqassmin; jiġi evalwat l-impatt tas-sajd fuq l-ambjent; tiġi evalwata s-sitwazzjoni soċjo-ekonomika tas-settur; ikun hemm monitoraġġ tal-prezzijiet marbuta mar-rimi mill-bastimenti Komunitarji u ma' l-importazzjonijiet ikun iffaċilitat u tiġi evalwata s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali ta' l-industrija.

3.3

Il-finanzjament ta' dawn l-attivitajiet huwa previst fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 861/2006, tat-22 ta' Mejju 2006, li jistabbilixxi miżuri finanzjarji Komunitarji għall-implimentazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd u fil-qasam tal-Liġi tal-Baħar (3). Il-Kumitat diġà ħareġ opinjoni dwar dan ir-regolament (4).

3.4

Il-proposta tagħti importanza partikolari lill-kontroll tal-kwalità u l-validazzjoni tad-data miġbura, u tqis li l-kontribut finanzjarju tal-Komunità għandu jiddependi mill-kontroll tal-kwalità u l-konformità ma' l-istandards ta' kwalità li jkun sar qbil dwarhom.

3.5

Regolamenti Komunitarji oħra jkopru l-ġbir u l-ġestjoni ta' data dwar is-sajd u jinkorporaw dispożizzjonijiet dwar il-ġbir u l-ġestjoni ta' data marbuta mal-bastimenti tas-sajd, l-attivitajiet u l-qabdiet tagħhom u dwar il-monitoraġġ tal-prezzijiet, il-qabdiet inċidentali taċ-ċetaċji u l-kundizzjonijiet applikabbli għas-sajd fil-baħar fond, li għandhom jitqiesu f'dan ir-Regolament jekk għandha tiġi stabbilita sistema komprensiva u koerenti tal-ġbir tad-data.

3.6

B'mod ġenerali, il-Kumitat jilqa' l-propopsta bi pjaċir. Madankollu, huwa mħasseb dwar iż-żieda kostanti tar-regolamentazzjoni Komunitarja, li ttaqqal il-piż amministrattiv. F'dan il-każ, il-KESE jiddubita kemm il-proposta għal regolament ġenwinament tirrappreżenta“semplifikazzjoni” tar-regolament li huwa fis-seħħ attwalment li tkun tista' tikkontribwixxi sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv, kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-partijiet ikkonċernati.

3.7

Barraminhekk, il-KESE jinnota bi pjaċir li l-proposta tenfasizza bil-qawwi l-aspetti ambjentali ta' l-attivitajiet tas-sajd u tista' tipprovdi d-data meħtieġa sabiex tiġi applikata strateġija ekosistemika għall-ġestjoni tas-sajd.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-proposta tibda billi tiddefinixxi għadd ta' kunċetti ewlenin, bħas-settur tas-sajd, is-sajd rikreattiv, ir-reġjuni tal-baħar, data primarja, data dettaljata, data aggregata, il-kampjunar skond il-flotta, il-bastimenti tas-sajd Komunitarji u l-utenti aħħarin. Fil-fehma tal-KESE, it-terminu “utenti aħħarin” huwa vag, għaliex jirreferi għal 'persuni fiżiċi jew ġuridiċi inkella organizzazzjonijiet interessati fl-analiżi xjentifika tad-data dwar is-settur tas-sajd. Il-Kumitat jemmen li, skond din id-definizzjoni, kwalunkwe persuna tista' tkun utent aħħari. Għaldaqstant jissuġġerixxi li l-Kummissjoni Ewropea temenda d-definizzjoni tagħha u tikkjarifika min verament huma l-utenti aħħarin.

4.2

Fir-rigward tal-ġbir tad-data, il-Kummissjoni ser tiddefinixxi programm Komunitarju multiannwali li ser ikopri:

sajd kummerċjali b'bastimenti tas-sajd Komunitarji fl-ilmijiet Komunitarji u lil hinn minnhom;

sajd rikreattiv fl-ilmijiet Komunitarji;

attivitajiet marbuta ma' l-akkwakultura fit-territorji ta' l-Istati Membri u l-ilmijiet Komunitarji;

l-industrija li tipproċessa l-prodotti tas-sajd.

4.3

L-Istati Membri ser ifasslu programm nazzjonali għall-ġbir tad-data skond il-programm Komunitarju, li ser jinkludi l-proċeduri u l-metodi li għandhom jintużaw fil-ġbir u l-analiżi tad-data u fl-evalwazzjoni ta' l-eżattezza u l-preċiżjoni tagħha. Il-programmi nazzjonali ser jinkorporaw b'mod partikolari:

programmi nazzjonali ta' kampjunar;

skema għall-osservaturi fuq il-baħar, fejn meħtieġ;

skema għall-istħarriġ fuq il-baħar.

4.4

Il-proposta tal-Kummissjoni tiddikjara li l-programmi Komunitarji u nazzjonali għandhom jitfasslu b'tali mod li jkopru perijodu ta' tliet snin. L-ewwel programmi huma skedati li jkopru l-perijodu bejn l-2008 u l-2010. Fil-fehma tal-Kumitat, ser ikun prattikament impossibbli li l-programmi jibdew fl-2008, u għalhekk jirrakkomanda li l-Kummissjoni tibda timplimenta din id-dispożizzjoni fl-2009.

4.5

L-Istati Membri għandhom jikkoordinaw il-programmi nazzjonali tagħhom ma' Stati Membri oħra fl-istess reġjun tal-baħar u jagħmlu kull sforz sabiex jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom ma' pajjiżi terzi li jkollhom sovranità jew ġurisdizzjoni fuq l-ilmijiet fl-istess reġjun tal-baħar.

4.6

Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) ser jevalwa l-programmi nazzjonali, kwalunkwe tibdil li jsir lil dawn il-programmi u r-relevanza xjentifika tad-data li għandha tinġabar. Il-Kummissjoni ser tapprova l-programmi nazzjonali fuq il-bażi ta' l-evalwazzjoni ta' l-STECF.

4.7

Il-Kumitat japprova l-pjan għall-ġbir u l-ġestjoni tad-data fil-qafas ta' programmi multiannwali. Madankollu, jixtieq jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni lejn il-fatt li l-proposta għal regolament tagħha ma toffri l-ebda indikazzjoni fir-rigward ta' l-impatt li l-ġbir tad-data dwar is-sajd ser ikollu fuq ix-xogħol ta' kuljum ta' bastiment speċifiku, b'mod partikolari l-impatt ta' l-attivitajiet tas-settur tas-sajd fuq l-ambjent. Il-KESE għalhekk iqis li d-data ambjentali għandha tinġabar kull sena, prinċipalment permezz ta' stħarriġ fuq il-baħar li jsir mill-Istati Membri, bħala parti minn programmi xjentifiċi dwar is-sajd.

4.8

Fi spirtu innovattiv, il-Kummissjoni tistqarr li jekk ir-regoli elenkati fil-proposta għal regolament ma jiġux rispettati bis-sħiħ, jista' jagħti l-każ li tippenalizza l-Istati Membri billi tnaqqas jew saħansitra tneħħi għal kollox l-għajnuna finanzjarja mogħtija għall-programmi nazzjonali tagħhom. Fil-fehma tal-Kumitat, din hija proposta għaqlija u huwa fiduċjuż li l-Istati Membri ser jirrispettaw l-obbligi tagħhom sabiex ma jiġux penalizzati. Madankollu, huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tikkjarifika aktar x'jikkaġuna n-nuqqas ta' konformità li jwassal li jiġu imposti penali fuq l-Istati Membri u li għandha temenda l-korrezzjonijiet finanzjarji.

4.9

Kif imsemmi f'punt 4.3, il-programmi multiannwali ta' kampjunar għandhom jinkludu:

pjan ta' kampjunar għad-data bijoloġika li jsegwi kampjunar ibbażat fuq il-flotot li jinkludi, fejn huwa xieraq, is-sajd rikreattiv;

pjan ta' kampjunar għad-data ekosistemika li jippermetti li jiġi stmat il-livell ta' interazzjonijiet bejn l-ispeċijiet u l-impatt tas-settur tas-sajd fuq l-ambjent;

pjan ta' kampjunar għad-data ekonomika u soċjali li jippermetti li tiġi evalwata s-sitwazzjoni ekonomika tas-settur tas-sajd.

4.10

Il-Kumitat itenni l-kummenti li għamel fl-opinjoni tiegħu dwar Regolament (KE) Nru 861/2006 fejn stqarr li, sabiex tittejjeb il-ġestjoni tas-sajd, għandhom jiġu pprovduti fondi, permezz ta' l-Istati Membri, li jkopru l-ispejjeż tas-settur tas-sajd ta' l-UE marbutin ma' l-istudji meħtieġa sabiex jiġu evalwati l-effetti ambjentali ta' l-attivitajiet tas-sajd u s-sitwazzjoni soċjo-ekonomika fis-settur.

4.11

Il-Kummissjoni tistqarr li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sabiex iwettqu dmirijiethom, l-aġenti responsabbli għall-kampjunar ikollhom aċċess għal:

il-punti ta' żbark kollha, inklużi fejn hemm bżonn dawk ta' trasbord u ta' trasferiment għall-akkwakultura;

stabbilimenti kummerċjali għall-ġbir tad-data ekonomika.

4.12

Il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għad-diffikultajiet legali li jinqalgħu meta l-aġenti responsabbli għall-kampjunar jingħataw aċċess mingħajr restrizzjonijiet għall-istabbilimenti kummerċjali sabiex jiġbru data ekonomika. Għalhekk jappella lill-Kummissjoni sabiex tneħħi dan il-punt.

4.13

Fl-aħħarnett, il-ġbir tad-data marbuta mas-sajd fil-qafas tal-programmi nazzjonali jinvolvi min-naħa skemi ta' osservaturi fuq il-baħar, fejn dan huwa meħtieġ għall-ġbir tad-data, u min-naħa l-oħra stħarriġ xjentifiku fuq il-baħar sabiex l-abbundanza u t-tqassim ta' l-istokkijiet jiġi evalwat, independentement mill-evalwazzjoni tas-sajd kummerċjali, u sabiex jiġi evalwat l-impatt ta' l-attività marbuta mas-sajd fuq l-ambjent.

4.14

Il-KESE huwa tal-fehma li dawn iż-żewġ skemi huma bżonjużi bl-istess mod sabiex jiġi kkompletat il-qafas tal-ġbir tad-data marbuta mas-sajd, u jemmen li l-Kummissjoni għandha speċifikament tipprovdi għall-finanzjament mill-Istati Membri ta' l-iskemi ta' osservaturi fuq il-baħar. Il-Kumitat jixtieq jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni lejn il-fatt li meta l-osservaturi ma jkunux jistgħu jitilgħu fuq il-bastimenti tas-sajd minħabba f'nuqqas evidenti ta' spazju jew għal raġunijiet ta' sikurezza, l-iskemi ta' awtokampjunar li l-membri ta' l-ekwipaġġ huma mistennija li jwettqu jistgħu jwasslu għal ammont eċċessiv ta' xogħol.

4.15

Fir-rigward ta' l-evalwazzjoni ta' l-impatt ta' l-attività marbuta mas-sajd fuq l-ambjent, il-Kumitat huwa tal-fehma li l-Kummissjoni Ewropea għandha tiddefinixxi b'mod ċar liema data ser teħtieġ u min ser jiġborha.

4.16

Il-proposta għal regolament tipprovdi li l-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli għaż-żamma sigura u l-kunfidenzjalità tad-data primarja miġbura permezz ta' bażi tad-data kompjuterizzati. L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli wkoll għall-kwalità u l-kompletezza tad-data primarja li tinġabar u tad-data dettaljata u aggregata li tinkiseb minn din id-data primarja.

4.17

Fil-fehma tal-Kumitat huwa xieraq li dawn ir-responsabbiltajiet jintrefgħu mill-Istati Membri, għaliex ir-riservatezza hija ta' importanza kbira għall-intrapriżi tas-sajd.

4.18

Ir-riservatezza tad-data hija ta' importanza kbira peress li l-bażi tad-data kompjuterizzati fuq livell nazzjonali jiġbru fihom id-data primarja kollha miġbura skond dawn ir-regolamenti:

Ir-Regolament (KEE) Nru 2847/93 li jistabbilixxi sistema ta' kontroll li tapplika għall-politika tas-sajd komuni;

Ir-Regolament (KE) Nru 779/1997 li jintroduċi arranġamenti għat-tmexxija ta' l-isforz tas-sajd fil-Baħar Baltiku;

Ir-Regolament (KE) Nru 104/2000 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura;

Ir-Regolament (KE) Nru 2347/2002 li jistabbilixxi ħtiġijiet speċifiċi ta' aċċess u kundizzjonijiet relattivi għas-sajd ta' l-istokkijiet tal-baħar fond;

Ir-Regolament (KE) Nru 812/2004 li jippreskrivi miżuri li jikkonċernaw qabdiet inċidentali ta' ċetaċji fil-meded (żoni) tas-sajd.

Jista' jingħad l-istess għall-bażi tad-data prevista fil-proposta għal regolament dwar:

l-attività tal-bastimenti fuq il-bażi ta' informazzjoni mill-monitoraġġ bis-satellita u sistemi ta' monitoraġġ oħra;

il-volum totali tal-qabdiet skond l-istokk mit-taqsima tal-bastimenti kummerċjali, inklużi l-qabdiet mormija lura u, fejn huwa xieraq, il-qabdiet waqt sajd rikreattiv;

data bijoloġika meħtieġa għall-monitoraġġ ta' l-istatus ta' l-istokkijiet sfruttati;

data ekosistemika meħtieġa sabiex jiġi evalwat l-impatt ta' l-attività marbuta mas-sajd u ta' l-akkwakultura fuq l-ambjent;

data sabiex jiġi evalwat il-livell ta' interazzjonijiet bejn l-ispeċijiet u

data ekonomika u soċjali mis-settur tal-flotta u l-industriji ta' l-ipproċessar.

4.19

Fir-rigward tad-data li hija meħtieġa għall-evalwazzjoni tal-livell ta' interazzjoni bejn l-ispeċijiet, il-Kumitat huwa tal-fehma li meta wieħed iqis l-ambigwità u n-nuqqas ta' preċiżjoni tagħhom, mhux possibbli li ssir evalwazzjoni ta' dan it-tip u għaldaqstant għandha titneħħa.

4.20

L-Istati Membri għandhom jipproċessaw id-data primarja f'settijiet ta' data dettaljata jew aggregata skond l-istandards nazzjonali rilevanti u skond protokolli approvati fuq livell reġjonali u, permezz ta' ftehim mal-Kummissjoni, jagħmluhom disponibbli għall-Kummissjoni u għall-korpi xjentifiċi kompetenti.

4.21

L-Istati Membri għandhom jittrasmettu d-data dettaljata u aggregata f'format ekettroniku sikur.

4.22

L-Istati Membri għandhom id-dritt li jirrifjutaw li jittrasmettu d-data dettaljata u aggregata rilevanti biss jekk ikun hemm ir-riskju li jiġu identifikati persuni fiżiċi u/jew entitajiet ġuridiċi jew f'każijiet fejn utent aħħari ma jissodisfax il-ħtiġijiet imniżżla fil-proposta għal regolament.

4.23

Fir-rigward tal-ġestjoni u l-użu tad-data miġbura, il-Kumitat jixtieq jenfasizza l-importanza tar-riservatezza tad-data primarja li tinġabar, b'mod partikolari d-data dwar l-attività tal-bastimenti bbażata fuq informazzjoni miksuba mill-monitoraġġ bis-satellita. Għaldaqstant, il-Kumitat isejjaħ lill-Kummissjoni sabiex din id-data tiġi trattata b'mod differenti.

Brussell, is-26 ta' Settembru 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1543/2000 tad-29 ta' Ġunju 2000 li jistabbilixxi struttura Komunitarja għall-ġbir u l-ġestjoni tad-data meħtieġa għat-twettiq tal-politika komuni tas-sajd (ĠU L 176, 15.7.2000) u r-regolamenti l-oħra fil-qasam tal-ġbir u l-ġestjoni tad-data dwar is-sajd.

(2)  COM(2007) 196 finali, 18.4.2007.

(3)  ĠU L 294 M, 25.10.2006.

(4)  NAT/280 — CESE 1490/2005 — ĠU C 65, 17.3.2006 (mhux disponibbli bil-Malti).


15.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 10/57


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-proposta ta' Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/22/KE li tikkonċerna l-projbizzjoni ta' l-użu fl-istockfarming ta' ċerti sustanzi li jkollhom azzjoni ormonali u tireostatika u ta' beta-agonists”

COM(2007) 292 finali — 2007/0102 (COD)

(2008/C 10/15)

Nhar it-2 ta' Lulju 2007, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 152(4)(b) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-proposta ta' direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/22/KE li tikkonċerna l-projbizzjoni ta' l-użu fl-istockfarming ta' ċerti sustanzi li jkollhom azzjoni ormonali u tireostatika u ta' beta-agonists.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-6 ta' Settembru 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Jírovec.

Matul l-438 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-26 u s-27 ta' Settembru 2007 (seduta tas-26 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'152 vot favur, vot kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jieħu nota tal-miżuri proposti mill-Kummissjoni Ewropea.

1.2

Il-KESE japprova s-simplifikazzjoni u l-kjarifika tal-leġislazzjoni applikabbli kemm għall-pubbliku ġenerali kif ukoll għall-intrapriżi li jipprovdu prodotti farmaċewtiċi għall-annimali.

1.3

Il-proposta għal direttiva taħt konsiderazzjoni tirrispetta l-prinċipju ta' proporzjonalità, billi din tistabbilixxi bidliet limitati biss fuq il-bażi ta' data xjentifika u fehmiet ta' esperti l-aktar reċenti.

1.4

Id-direttiva proposta tindirizza wkoll il-kwistjoni ta' l-importazzjonijiet li ġejjin minn pajjiżi terzi ta' annimali li jipproduċu l-ikel.

1.5

Il-proposta għal direttiva ma tmurx kontra l-impenji meħuda fil-qafas tad-WTO.

1.6

In-nuqqas ta' disponibbiltà ta' l-estradjol 17 ß u d-derivattivi tiegħu li jixbhu l-esteri ser iħalli impatt insinifikanti fuq il-bdiewa u l-benessri ta' l-annimali.

1.7

M'hemmx bżonn li jiġu stabbiliti l-limiti massimi għall-preżenza tar-residwi.

1.8

Il-konsegwenzi fuq l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju ser ikunu, huma wkoll, kważi ineżistenti.

2.   L-għan tal-proposta

2.1

L-għan tal-proposta huwa li timmodifika d-Direttiva 96/22/KE tad-29 ta' April 1996, kif emendata mid-Direttiva 2003/74/KE. Id-direttiva proposta tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta' ċerti sustanzi li jingħataw lil kwalunkwe annimal, li l-laħam u l-prodotti tiegħu huma maħsuba għall-konsum mill-bniedem, għal skopijiet mhux previsti fil-punt 2 ta' l-Artikolu 4.

Lista ta' sustanzi pprojbiti:

Lista A:

sustanzi tireostatiċi.

stilbeni, derivattivi ta' l-istilbeni, l-imluħ u l-esteri tagħhom,

estradjol 17 ß u d-derivattivi tiegħu li jixbhu l-esteri.

Lista B:

sustanzi Beta-agonists.

2.2

Il-bidliet proposti huma segwenti:

a)

l-esklużjoni ta' l-annimali domestiċi mill-ambitu tal-leġislazzjoni,

b)

il-projbizzjoni sħiħa ta' l-użu ta' l-estradjol 17 ß għal annimali maħsuba għall-produzzjoni alimentari.

2.3

Il-Kummissjoni tipproponi biss bidliet limitati ħafna sabiex tkun evitata aktar tbatija għall-annimali domestiċi minħabba n-nuqqas ta' trattament xieraq disponibbli u sabiex jitqies il-parir xjentifiku u espert li jikkonċerna l-estradjol 17 ß (1).

3.   Kuntest ġenerali

3.1

L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 96/22/KE speċifikament jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta' sustanzi elenkati fl-Anness II għall-amministrazzjoni ta' l-annimali ta' l-“ispeċijiet kollha”.

3.2

It-tqabbil tal-prezzijiet ta' prodotti li jinkludu sustanzi b'azzjoni tireostatika juri li mhuwiex ta' benefiċċju ekonomiku li dawn jintużaw għall-annimali li jipproduċu l-ikel.

3.3

L-użu illegali huwa pjuttost marbut mal-produzzjoni jew l-importazzjoni illegali ta' dawn is-sustanzi. Ma setgħu jinstabu ebda użi illegali ta' stilbeni, derivattivi ta' l-istilbeni, l-imluħ u l-esteri tagħhom matul l-aħħar ħames snin.

3.4

Id-direttiva msemmija hawn fuq ma tippermettix l-għotja ta' awtorizzazzjonijiet ta' tqegħid fis-suq għall-prodotti li fihom sustanzi għat-trattament ta' l-ipertirojdiżmu fl-annimali domestiċi.

3.5

Fl-1981, bid-Direttiva 81/602/KEE, l-UE pprojbixxiet l-użu ta' sustanzi li jkollhom azzjoni ormonali għall-istimolu ta' l-żvilupp fl-annimali ta' l-irziezet, notevolment ta' l-estradjol 17 β.

3.6

Għalkemm id-Direttiva 96/22/KE fil-bidu kellha l-għan li tipprojbixxi l-użu ta' l-estradjol 17 β u d-derivattivi tiegħu li jixbhu l-esteri għall-użi kollha, fl-aħħar mill-aħħar din sempliċiment naqqset iċ-ċirkostanzi li fihom l-estradjol 17 ß jkun jista jintuża' għal skopijiet għajr l-istimolu ta' l-iżvilupp. Dan il-prodott huwa totalment karċinoġenu billi dan jista' jikkawża kif ukoll iqajjem tumuri.

3.7

Ir-rapport ippreżentat lill-Kunsill u lill-Parlament nhar il-11 ta' Ottubru 2005 kkonkluda li, minħabba li l-użu ta' sustanzi alternattivi bħall-prostaglandini huwa mifrux ħafna, l-użu tal-prodott imsemmi hawn fuq jista' jitnaqqas għall-annimali maħsuba għall-produzzjoni alimentari.

3.8

L-annimali domestiċi milquta mill-ipertirojdiżmu jbatu minħabba n-nuqqas kontinwu ta' trattament xieraq.

4.   Kummenti

4.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jieħu nota tal-miżuri proposti mill-Kummissjoni Ewropea.

4.2

Il-bidliet proposti fir-rigward ta' l-estradjol 17 ß huma r-riżultat dirett ta' l-attivitajiet previsti mill-Artikolu 11a tad-Direttiva 2003/74/KE.

4.3

Il-bidliet proposti huma limitati ħafna u neċessarji sabiex tkun evitata aktar tbatija għall-annimali domestiċi minħabba n-nuqqas ta' trattament.

4.4

Din il-proposta tolqot lis-sidien ta' l-annimali, lill-veterinarji prattikanti, lill-industrija farmaċewtika veterinarja u lill-aġenziji ta' l-awtorizzazzjoni fl-Istati Membri.

4.5

Il-proposta tikkontribwixxi għall-assigurazzjoni ta' livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa tal-bniedem.

4.6

Madankollu, kull awtorizzazzjoni ġdida għandha tqis il-potenzjal għal użu inkorrett u għaldaqstant, il-prodotti li x'aktarx jintużaw ħażin jistgħu jiġu rrifjutati.

Brussell, is-26 ta' Settembru 2007

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  “Prevention and Control of Animal Diseases” (Prevenzjoni u kontroll tal-mard ta' l-annimali)

(http://ec.europa.eu/food/animal/resources/publications_en.htm).


15.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 10/58


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1924/2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel”

COM(2007) 368 finali — 2007/0128 (COD).

(2008/C 10/16)

Nhar is-26 ta' Lulju 2007, il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea ddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1924/2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel.

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u li barra minn hekk diġà ta fehmtu fl-opinjonijiet tiegħu CESE 308/2004 u CESE 1571/2006, adottatti rispettivament fil-24 ta' Frar 2004 u fit-13 ta' Diċembru 2006 (1), iddeċieda, matul l-438 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-26 u s-27 ta' Settembru 2007, b'163 vot favur, vot kontra u 7 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost u li jagħmel referenza għall-pożizzjoni li ħa fid-dokumenti msemmija.

 

Brussell, is-26 ta' Settembru 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Opinjoni tal-KESE dwar Il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dwar l-istqarrijiet ta' nutrizzjoni u ta' saħħa magħmula fuq prodotti ta' l-ikel — COM(2003) 424 finali — 2003/0165 COD (ĠU C 110, 30.4.2004) u dwar Il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru …/… dwar l-istqarrijiet ta' nutrizzjoni u ta' saħħa magħmula fuq prodotti ta' l-ikel — COM(2006) 607 finali — 2006/0195 COD (ĠU C 325, 30.12.2006).


15.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 10/59


Opinjoni Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-integrazzjoni tal-kummerċ globali u l-esternalizzazzjoni: kif jistgħu jiġu ffaċċjati l-isfidi l-ġodda”

(2008/C 10/17)

Nhar is-16 ta' Frar 2007, b'konformità ma' l-Artikolu 29(2) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda li jħejji Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar L-integrazzjoni tal-kummerċ globali u l-esternalizzazzjoni:kif jistgħu jiġu ffaċċjati l-isfidi l-ġodda.

Il-Kummissjoni Konsultattiva għall-Bidliet Industrijali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-12 ta' Settembru 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Zöhrer u l-ko-rapporteur kien is-Sur Lagerholm.

Matul l-438 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-26 u 27 ta' Settembru 2007 (seduta tas-26 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'151 voti favur, vot kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Sinteżi

1.1

Il-bidliet fil-kummerċ u l-integrazzjoni dejjem akbar ta' l-ekonomiji fis-sistema dinjija tal-kummerċ huma mmexxija minn firxa wiesgħa ta' fatturi. Wieħed mill-fatturi l-aktar importanti huwa l-iżvilupp tad-diviżjoni internazzjonali tal-produzzjoni li waslet għal numru li qiegħed jikber ta' prodotti intermedjarji (oġġetti u servizzi) li qegħdin jinbiegħu u jinxtraw f'fażijiet differenti tal-proċess tal-produzzjoni. Il-kummerċ fil-prodotti intermedjarji huwa wieħed mill-forzi l-aktar qawwija li qegħdin jimbuttaw il-bidla industrijali u jirrappreżenta forma partikolari tad-diviżjoni internazzjonali tax-xogħol.

1.2

F'dan il-kuntest, l-esternalizzazzjoni titkejjel permezz tal-flussi tal-kummerċ estern tal-prodotti intermedjarji, li hija differenti mid-definizzjoni użwali u sa ċertu punt tikkonċidi ma' dak li hu magħruf bħala rilokazzjoni barra mill-pajjiż (offshoring). Sabiex wieħed jagħmel din id-distinzjoni, wieħed jista' juża t-terminu “l-esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż” (offshore outsourcing).

1.3

Hemm numru ta' raġunijiet għal din l-esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż. L-ispejjeż tal-ħaddiema aktar baxxi (pagi u sigurtà soċjali) huma l-aktar prominenti fid-dibattitu. Madankollu, iktar importanti u lil hinn minn dan, hemm ukoll il-prezzijiet tal-materja prima u l-viċinanza għas-swieq li qegħdin jikbru fil-prominenza. Vantaġġi finanzjarji minħabba liġijiet ambjentali anqas stretti jew vantaġġi fiskali jistgħu wkoll iwasslu għall-esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż.

1.3.1

Il-fenomenu ta' l-esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż mhuwiex żvilupp ġdid, iżda huwa sinonimu ma l-organizzazzjoni tal-produzzjoni ibbażata fuq id-diviżjoni tax-xogħol, fejn in-negozji jispeċjalizzaw f'dak li jagħmlu l-aħjar u bl-aktar mod kost-effettiv. It-teknoloġija ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni rħisa jħaffu l-pass ta' dan l-iżvilupp u jirrendu l-kummerċ transkonfinali possibbli f'ħafna setturi ġodda — speċjalment fis-settur tas-servizzi.

1.3.2

Sistema tat-trasport irħisa u effiċjenti hija kundizzjoni fundamentali għall-esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż.

1.4

Il-volum tal-merkanzija li bħalissa qiegħed tiġi mixtrija u mibjugħa madwar id-dinja hija ħmistax il-darba akbar milli kienet fl-1950 u s-sehem tagħha fil-PGD globali ttrippla. Il-kummerċ madwar id-dinja fis-servizzi bħalissa qiegħed jilħaq rati ta' tkabbir simili għal dawk fl-oġġetti, u qiegħed jikber b'rata aktar mgħaġġla mill-PGD. Is-servizzi jiffurmaw ftit inqas minn 20 % tal-kummerċ internazzjonali.

1.5

Bejn 1992 u 2003, is-sehem tal-prodotti intermedjarji fl-importazzjonijiet globali kiber minn 52.9 % għal 54.1 % u tal-prodotti kapitali minn 14.9 % għal 16.6 %. Is-sehem tal-prodotti ta' kunsum waqa' ftit. Fost il-prodotti intermedjarji, hemm ċaqliqa importanti lejn il-kategorija tal-partijiet u l-komponenti.

1.6

Ix-xejriet ivarjaw ħafna anke fil-livell reġjonali. Filwaqt li s-sehem tal-prodotti intermedjarji fl-importazzjonijiet waqa' fl-UE-15, fil-Ġappun u fl-Istati Uniti, kiber fiċ-Ċina, fix-xlokk ta' l-Ażja u fl-Istati Membri ġodda ta' l-UE (UE-10).

1.7

It-tkabbir mgħaġġel fil-kummerċ tas-servizzi l-aktar li seħħ kien fil-kategorija “tas-setturi l-oħra,” li jinkludu servizzi relatati man-negozzju. B'hekk, is-servizzi finanzjarji, informatiċi u ta' l-informazzjoni huma b'saħħithom ferm. Ir-rebbiegħa ta' l-esternalizzazzjoni tas-servizzi huma l-Istati Uniti, l-UE-15 u l-Indja, din ta' l-aħħar marret tajjeb ħafna.

1.8

Kollox ma kollox, l-UE irnexxilha żżomm il-post tagħha fil-quċċata fil-kummerċ dinji kemm fil-prodotti kif ukoll fis-servizzi. L-ekonomija Ewropea hija fuq quddiem fis-suq fejn tidħol firxa wiesgħa ta' industriji ta' teknoloġiji intermedji u oġġetti li jirrikjedu investiment qawwi ta' kapital. Id-defiċit dejjem jikber ma l-Asja u l-prestazzjoni kemm xejn dagħjfa fil-qasam ta' l-ICT huma preokkupanti.

1.9

L-esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż iżżid il-kummerċ, u dan iżid il-prosperità globali. Madankollu, il-Kumitat huwa konxju ukoll li f'din il-logħba hemm kemm telliefa kif ukoll rebbieħa, u li ġeneralment huwa aktar faċli li t-telliefa jiġu identifikati, peress li l-impatt huwa immedjat (per eżempju ħaddiema li jitilfu l-post tax-xogħol).

1.10

Peress li l-bilanċ ta' dawn l-iżviluppi fil-kummerċ ta' prodotti intermedjarji huwa pożittiv għall-UE, din tagħmel sew li tadotta attittudni pożittiva u proattiva lejn kummerċ dinji ħieles imma ġust u lejn strateġija ta' globalizzazzjoni attiva. Dan apparti, hemm bżonn li fl-UE jiġi żgurat li l-benefiċċji ggwadanjati jitqassmu bejn kulħadd.

1.11

L-UE trid taġixxi favur kondizzjonijiet ġusti u żvilupp sostenibbli fil-kummerċ dinji (ekonomiku, soċjali u ambjentali).

1.12

L-UE trid tkun konxja tal-vantaġġi tagħha u tibni fuqhom. B'mod partikolari, dawn is-setturi ta' teknoloġija intermedja li diġa ssemmew huma ta' spiss ikkaratterizzati minn livelli għoljin ta' innovazzjoni. Aktar minn hekk, madankollu, l-investiment fit-tagħmir u l-ideat huwa meħtieġ fl-oqsma l-ġodda.

1.13

Fid-dawl ta' l-iżvilupp ta' l-esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż, hemm bżonn ta' analiżi aktar iddettaljata b'mod urġenti. Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Kummissjoni tniedi din l-analiżi, li għandha tinkludi x-xenarji possibbli fuq perijodu qasir u intermedju, u li tinvolvi l-partijiet interessati fil-proċess. Din l-analiżi tista' wkoll tifforma parti mill-analiżi settorjali taħt il-politika industrijali l-ġdida u sservi ta' bażi għad-diskussjoni taħt id-djalogu soċjali settorjali.

1.14

Ir-risposti għall-isfidi għall-Ewropa li qegħdin iqumu mill-integrazzjoni tal-kummerċ dinji u ż-żjieda fir-rilokazzjoni barra mill-pajjiż tal-produzzjoni Ewropea, jinsabu prinċipalment fl-istrateġija ta' Lisbona. F'dan il-kuntest, il-Kumitat jenfasizza l-punti li ġejjin bħala essenzjali sabiex l-Ewropa tkun tista' tadatta u tkun kompetittiva fil-proċess ta' globalizzazzjoni:

It-tkomplija u t-tisħiħ tas-suq intern

Il-promozzjoni ta' l-innovazzjoni;

Stimulazzjoni ta' l-impjieg.

2.   Sfond u ġustifikazzjoni għall-opinjoni

2.1

Il-bidliet fil-kummerċ u l-integrazzjoni dejjem akbar ta' l-ekonomiji fis-sistema dinjija tal-kummerċ huma mmexxija minn firxa wiesgħa ta' fatturi (liberalizzazzjoni tal-kummerċ, spejjeż aktar baxxi tat-trasport u tal-komunikazzjoni, dħul li qiegħed jikber, diviżjoni internazzjonali tax-xogħol li qiegħda tiżdied, eċċ.). Wieħed mill-fatturi l-aktar importanti huwa l-iżvilupp tad-diviżjoni internazzjonali tal-produzzjoni li waslet għal numru li qiegħed jikber ta' prodotti intermedjarji (oġġetti u servizzi) li qegħdin jinbiegħu u jinxtraw f'fażijiet differenti tal-proċess tal-produzzjoni. Din iż-żieda fil-kummerċ intermedju, li hawnhekk qiegħda tiġi deskritta bħala esternalizzazzjoni, qiegħda twassal għar-ristrutturazzjoni ta' proċessi ta' produzzjoni numerużi fil-livell globali u reġjonali, u qiegħda sseħħ ukoll b'ħafna oqsma fis-settur tas-servizzi.

2.2

Il-vantaġġi relattivi tradizzjonali tal-pajjiżi industijalizzati minħabba fil-forza tax-xogħol imħarrġa tagħhom u fl-għarfien tekniku fir-rigward tal-prodotti tagħhom u/jew tal-proċessi tal-produzzjoni tagħhom huma suġġetti għal pressjoni li qiegħda tiżdied f'numru ta' direzzjonijiet. F'dan l-ambjent li jinbidel malajr, l-UE qiegħda tiġi ffaċċjata minn kompetituri ġodda li tfaċċaw, f'firxa wiesgħa ta' setturi ta' l-ekonomija u fis-settur tas-servizzi b'valur miżjud għoli. Għalhekk l-isfidi għan-negozzji ta' l-UE dejjem qegħdin jikbru.

2.3

Il-kummerċ fil-prodotti intermedjarji huwa wieħed mill-forzi l-aktar qawwija li qegħdin jimbuttaw il-bidliet industrijali u jirrappreżenta forma partikolari tad-diviżjoni internazzjonali tax-xogħol, li malajr qiegħed jieħu post forom aktar tradizzjonali ta' globalizzazzjoni. Huwa ċar daqs il-kristall li l-globalizzazzjoni tas-swieq, flimkien mal-progress tekniku, jagħmilha possibbli li l-proċess tal-produzzjoni ta' prodott partikolari jinqasam f'serje ta' proċessi varji fl-istadji bikrin u aktar tard li ta' spiss huma mifruxa ma' diversi pajjiżi.

2.4

Din l-opinjoni tfittex, l-ewwel u qabel kollox, li teżamina sa liema punt il-fenomenu dinji ta' l-esternalizzazzjoni ta' l-oġġetti u tas-servizzi huwa mmexxi prinċiparjament mill-iżviluppi fil-pajjiżi Ażjatiċi (b'mod partikolari ċ-Ċina u l-Indja), u mill-integrazzjoni ta' l-Istati Membri l-ġodda ta' l-UE. Fl-istess ħin, huwa importanti li jiġi studjat jekk u sa fejn l-UE hija vulnerabbli wara li feġġew il-qawwiet kummerċjali globali l-ġodda u l-bidliet għall-vantaġġ relattiv li dan ġab miegħu, b'mod partikolari fejn jidħlu dawk is-swieq li fihom l-UE bħalissa għandha pożizzjoni ewlenija. Dawn huma, l-ewwel u qabel kollox prodotti ta' teknoloġija medja u li jeħtieġu investiment qawwi ta' kapital, bħalma huma l-industriji tal-karozzi u farmaċewtiċi u l-manifattura ta' tagħmir speċjalizzat.

2.5

Il-fenomenu ta' rilokazzjonijiet mhux qiegħed jiġi trattat f'din l-opinjoni, peress li diġà ġie diskuss f'opinjonijiet oħra tal-Kumitat.

2.6

Fi ftit kliem, dan ifisser li hawnhekk ser nittrattaw fenomenu interessanti fl-industrija li ser iġiegħel lin-negozji Ewropej li jiżviluppaw il-vantaġġi relativi tagħhom li minnhom huma bbenefikaw fil-passat iżda li m'għadhomx iggarantiti, l-anqas f'setturi ekonomiċi li huma ġodda għal kollox bħalma huma s-servizzi. Billi jiġi eżaminat dan il-proċess ta' żvilupp, ikun possibbli li jiġu identifikati setturi li bħalissa huma dgħajfa jew li jistgħu jiddgħajfu fil-futur, u li jingħataw pariri lill-industriji ta' l-UE sabiex jieħdu d-deċiżjonijiet t-tajba.

3.   L-Iżvilupp tal-kummerċ globali

3.1

L-analiżi li ssegwi hija bbażata fuq studju ppubblikat f'Ottubru 2006 mid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji bħala Numru 259 tas-serje Dokumenti Ekonomiċi (1)

3.1.1

Dan l-istudju jkopri l-perjodu bejn l-1990 u l-2003. Dan huwa ta' interess għaliex fil-bidu tad-disgħinijiet seħħew bidliet importanti fil-kummerċ globali li jolqtu lill-Ewropa. Ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina bdiet tilgħab rwol akbar fil-kummerċ internazzjonali, li wassal għad-dħul tagħha fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. It-tkomplija ta' l-implimentazzjoni tas-suq uniku kompliet żżid l-integrazzjoni fi ħdan l-UE. Il-ftuħ politiku u ekonomiku tal-pajjiżi fiċ-ċentru u fil-lvant ta' l-Ewropa, u l-integrazzjoni tagħhom fl-UE, waslet għal espansjoni fis-suq uniku. Għalhekk l-UE kellha 12-il Stat Membru fil-bidu ta' dan il-perijodu, b'paragun mas-27 tal-lum.

3.1.2

Fl-istess ħin, seħħew bidliet sinifikanti fl-Indja, ir-Russja u l-Amerika Latina (b'mod partikolari fil-Brażil), li saħħew il-pożizzjoni ta' dawn il-pajjiżi fil-kummerċ globali.

3.1.3

Peress li m'hemmx informazzjoni li wieħed jista' joqgħod fuqha għall-perijodu li jsegwi t-tmiem ta' dan l-istudju fl-2003, m'hemmx bażi sabiex isiru affermazzjonijiet fundati minn dak iż-żmien. Madankollu, wieħed jista' jassumi li, fejn l-istudju jirrerferi għall-UE-10, xejriet simili jistgħu jiġu osservati għall-Bulgarija u r-Rumanija. L-eżempju ta' l-industrija tat-tessuti juri li jekk xejn l-iżviluppi osservati qegħdin jimxu b'pass aktar mgħaġġel.

3.2

Il-volum tal-merkanzija li bħalissa qiegħed tiġi mixtrija u mibjugħa madwar id-dinja hija ħmistax-il darba akbar milli kien fl-1950 u s-sehem tiegħu fil-PGD globali ttrippla. Il-kummerċ madwar id-dinja fis-servizzi bħalissa qiegħed jilħaq rati ta' tkabbir simili għal dawk fil-prodotti (medja ta' madwar 6 % fis-sena mill-1990) u għalhekk qiegħed jikber b'rata aktar mgħaġġla mill-PGD. Is-servizzi jiffurmaw ftit inqas minn 20 % tal-kummerċ internazzjonali.

3.2.1

Filwaqt li x-xejriet globalment huma stabbli, ir-rati tat-tkabbir fil-kategoriji varji tal-prodotti u tas-servizzi jidhru li qegħdin ivarjaw ħafna.

3.2.2

Kif issemma' fl-introduzzjoni hawn fuq, id-diviżjoni internazzjonali tax-xogħol hija waħda mill-forzi ewlenin li qegħdin jimbuttaw l-iżvilupp tal-kummerċ globali. Din id-diviżjoni tax-xogħol qiegħda.twassal għal volum dejjem jikber ta' kummerċ intermedju (fil-prodotti u s-servizzi). Dan it-tkabbir fil-kummerċ intermedju (per eżempju f'oġġetti mhux kompluti, partijiet u komponenti) jew “l-esternalizzazzjoni” jirriflettu r-rijorganizzazzjoni ta' ħafna proċessi ta' produzzjoni fil-livell globali jew reġjonali — aktar milli fuq bażi nazzjonali — u tirrifletti t-tkabbir enormi fiċ-ċaqliq enromi fl-investimenti barranin diretti) minn inqas minn 5 % tal-PGD dinji fl-1980 għal aktar minn 15 % sa l-aħħar tad-disgħinijiet. Madankollu, mhux l-investiment barrani dirett kollu huwa relatat ma' l-esternalizzazzjoni.

3.2.3

Sistemi ta' produzzjoni globalizzati, li flimkien ma' l-introduzzjoni ta' tekonoloġiji ta' informazzjoni u komunikazzjoni potenti, iwasslu għall-esternalizzazzjoni jew, sabiex nużaw terminu ieħor “l-ispeċjalizzazzjoni vertikali,” ukoll qiegħed ikollhom impatt fuq ħafna oqsma mis-settur tas-servizzi.

3.2.4

L-internazzjonalizzazzjoni tal-proċessi tal-produzzjoni fil-livelli reġjonali u globali qegħdin jiġġeneraw żieda fil-kummerċ fl-industrija u fid-ditta. L-esportazzjoni f'pajjiż minn kwalunkew industija dejjem aktar qiegħda ssir dipendenti mill-importazzjoni ta' l-oġġetti intermedji, li jew huma manifatturati mill-istess industrija jew minn xi sussidjarja ta' xi multinazzjonali.

3.3   Dehra ġenerali tal-kummerċ skond l-istadju tal-produzzjoni

3.3.1

Permezz tal-Klassifikazzjoni f'Kategoriji Ekonomiċi Wiesgħa tan-Nazzjonijiet Uniti, huwa possibbli li l-prodotti jiġu klassifikati skond l-użu finali tagħhom (per eżempju jekk humiex prodotti intermedji, għall-konsum jew kapitali).

3.3.2

Bejn l-1992 u l-2003, is-sehem tal-prodotti intermedjarji fl-importazzjonijiet globali kiber minn 52.9 % għal 54.1 % u tal-prodotti kapitali minn14.9 % għal 16.6 %. Is-sehem tal-prodotti ta' konsum waqa' ftit. Fost il-prodotti intermedjarji, hemm ċaqliqa importanti lejn il-kategorija tal-partijiet u l-komponenti, partikolarment fl-ICT u fl-industrija tal-karozzi.

3.3.3

Ix-xejriet ivarjaw ħafna anke fil-livell reġjonali. Filwaqt li s-sehem tal-prodotti intermedjarji fl-importazzjonijiet waqa' fl-UE-15, fil-Ġappun u fl-Istati Uniti, kiber fiċ-Ċina, fix-xlokk ta' l-Ażja u fl-Istati Membri ġodda ta' l-UE (UE-10).

3.4

Dawn il-kummenti ma jikkunsidrawx il-kummerċ u x-xejriet fl-UE-15. Madankollu, ta' min wieħed jinnota li huwa hawnhekk li l-parti l-kbira tal-kummerċ ta' l-Istati Membri individwali jseħħ li jinkludi bejn zewġ terzi sa 80 %. F'dan il-kuntest, l-esternalizzazzjoni titkejjel esklussivament permezz tal-flussi tal-kummerċ estern tal-prodotti intermedjarji, li hija differenti mid-definizzjoni użwali u sa ċertu punt tikkonċidi ma' dak li hu magħruf bħala rilokazzjoni barra mill-pajjiż. Sabiex wieħed jagħmel din id-distinzjoni, wieħed jista' juża t-terminu “l-esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż.”

4.   Raġunijiet għalfejn għandha tiżdied l-esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż

4.1

Hemm ħafna raġunijiet differenti l-għala kumpanija tiddeċiedi li ċċaqlaq l-operazzjonijiet tan-negozju jew partijiet minnhom barra mill-pajjiż. L-ispiża iktar baxxa għax-xogħol tidher l-aktar prominenti f'dan il-mument. Iżda fatturi bħal prezzijiet orħos tal-materja prima u l-viċinanza għas-swieq li qegħdin jikbru wkoll għandhom sehem importanti. Fatturi li jistgħu jmorru kontra din id-deċiżjoni jinkludu produttività baxxa, sistemi legali li mhumiex sikuri, infrastruttura fqira, kondizzjonijiet tal-kummerċ mhux favorevoli (per eżempju dazji, normi) u nuqqas ta' possibilità għall-monitoraġġ u azzjonijiet ta' rimedju jekk tinqala' xi problema.

4.2

Iċ-ċaqliq tal-faċilitajiet ta' produzzjoni, kif ukoll ix-xiri ta' prodotti li qabel id-ditti stess kienu produċew mhuwiex żvilupp ġdid. Is-sostituzzjoni tal-ħaddiema domestiċi b'ħaddiema barranin ilha prattika komuni fil-pajjiżi industrijalizzati kollha għal ħafna snin. Il-fenomenu ta' l-esternalizzazzjoni huwa effettivament sinonimu mad-diviżjoni tax-xogħol u mal-fatt li l-kumpaniji jibqgħu kompetittivi u konxji ta' l-ispejjeż filwaqt li jispeċjalizzaw f'dak li jagħmlu l-aħjar. Dak li hu ġdid hawnhekk, madankollu, huwa li t-teknoloġija ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni irrendiet possibbli l-esternalizzazzjoni ta'diversi tipi ġodda ta' servizzi u prodotti, f'dawn l-aħħar snin. L-IT u l-komunikazzjoni irħisa llum għamluha faċli għall-kumpaniji li jesternalizzaw ħafna mill-affarijiet li jistgħu jiġu riprodotti jew trasmessi f'forma diġitali, bħall-appoġġ għall-IT, is-servizzi amministrattivi, ċentri ta' sejħiet, programmar ta' softwer, u xi funzjonijiet ta' riċerka u żvilupp.

4.2.1

B'mod simili, l-ICT ippermettiet esternalizzazzjoni ulterjuri fil-manifatturar ta' l-oġġetti, peress li l-inputs issa jistgħu jinxtraw bla problemi minn fornituri differenti. Tekniċi tal-produzzjoni li huma eżatt fil-ħin (Just-in-time) jiddependu ħafna fuq l-ICT sabiex jikkoordinaw simultanjament il-produzzjoni u l-konsenja ta' partijiet u komponenti individwali minn produtturi differenti li joperaw f'distanzi li jvarjaw.

4.3

Dak li jista' jiġi esternalizzat normalment jista' wkoll jintbagħat barra mill-pajjiż. Ir-rilokazzjoni barra mill-pajjiż tista' tieħu l-forma ta' trasferiment ta' ħidmiet partikolari f'organizzazzjoni għal post barrani jew fornitur indipendenti.

Bħalma ntqal, dan mhuwiex fenomenu ġdid għal kollox iżda l-iżvilupp mgħaġġel ta' l-ICT u l-waqgħa fl-ispiża tal-komunikazzjoni li dan ġab miegħu ppermettew ħafna inputs ġodda speċjalment ta' servizzi li jistgħu jinxtraw jew jinbigħu internazzjonalment. Illumħidmiet bħalma huma d-disinn tekniku fl-arkitettura, il-qari radjologu tar-ritratti bir-raġġi X jew ċerti servizzi legali jistgħu jintbagħtu barra. Għalhekk, l-iżvilupp ta' l-ICT kabbar il-kummerċ internazzjonali billi baxxa l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet u għamilha possibbli li affarrijiet kompletament ġodda saru jistgħu jinxtraw jew jinbigħu. Dan mhuwiex differenti mill-impatt tas-sistema internazzjonali tal-kontejners fil-ħamsinijiet, li wkoll wasslet sabiex il-kummerċ internazzjonali jisplodi (2).

4.4

F'din l-opinjoni qegħdin nikkonċentraw fuq l-esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż. Iżda fid-dibattitu politiku ġenerali din ta' spiss titħallat mal-kwistjoni ta' l-investimenti diretti barranin Per eżempju hemm żviluppi li ta' spiss huma ppreżentati bħala forom ta' esternalizzazzjoni/rilokazzjoni barra mill-pajjiż li fil-fatt huma parti mill-espansjonijiet ta' l-operazzjonijiet tan-negozju barra mill-pajjiż sabiex ilaħħqu mal-ħtiġijiet tas-swieq lokali. Sabiex jiġi deċiż jekk rilokazzjoni partikolari ta' faċilità produttiva hijiex eżempju ta' rilokazzjoni barra mill-pajjiż hemm bżonn li jiġi ddeterminat liema suq ser ikun servut. Espansjoni ta' l-operazzjonijiet tan-negozju barra mill-pajjiż għall-iskop uniku li taqdi swieq barranin (Investiment barrani dirett) mhux neċessarjament — l-anqas fuq perjodu qasir — ser ikollu effetti negattivi fuq l-impjiegi fil-pajjiż ta' l-oriġini. Għal kuntrarju: jista' jkollha effetti pożittivi ħafna kemm fuq il-livelli ta' qligħ kif ukoll fuq l-impjiegi fil-kwartjieri tad-ditta.

4.5

Iżda naturalment, mhumiex biss l-ispejjeż tal-ħaddiema aktar baxxi (pagi u sigurtà soċjali) u l-ħtieġa li wieħed joqrob lejn is-swieq li jwasslu lill-kumpaniji li jirrilokaw il-produzzjoni. L-inċentiv jista' jkun inqas spejjeż, minħabba liġijiet ambjentali anqas stretti jew xi vantaġġi fiskali. Eżempju interessanti ta' rilokazzjoni barra mill-pajjiż li seħħ riċentement, jista' jiċċara dan, dak hu dak li ġara fl-industrija Ewropea tas-siment. Minħabba fiż-żieda qawwija fil-prezzijiet ta' l-enerġija fl-Ewropa — parzjalment dovuta għas-sistema ta' kummerċ tal-permessi għall-emissjonijiet tas-CO2 — u l-limitazzjoni diretta ta' l-emissjonijiet tas-CO2 fuq l-industrija, xi produtturi tas-siment Ewropej esternalizzaw il-produzzjoni tagħhom tal-gagazza fiċ-Ċina.

4.6

Fl-aħħar iżda mhux l-anqas importanti, sistema tat-trasport kost-effettiva u effiċjenti hija kundizzjoni fundamentali għall-esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż.

5.   Esternalizzazzjoni tajba

5.1

L-esternalizzazzjoni li fid-dokument qiegħda tiġi definita bħala l-affidament, permezz ta' kuntratti, ta' partijiet tal-produzzjoni lil fornituri jew lil sussidjarji ddedikati li huma stabbiliti barra mill-UE, tirrifletti l-fatturi li jsegwu:

Il-flussi tal-kummerċ dinji huma mbuttati mill-internazzjonalizzazzjoni ta' l-istrutturi tal-produzzjoni u ż-żieda fil-flussi ta' l-investimenti barranin diretti.

Madwar id-dinja, is-sehem ta' l-importazzjoni tal-prodotti intermedji (speċjalment partijiet u komponenti) u tal-prodotti kapitali qiegħed jiżdied. Dan qiegħed iwassal għal livelli li qegħdin jiżdiedu ta' kummerċ fi ħdan l-industrija jew id-ditta.

Hemm żieda qawwija fil-flussi tal-kummerċ kumplimentari u li timxi fiż-żewġ direzzjonijiet, bejn il-pajjiżi industrijalizzati u dawk li qegħdin jiżviluppaw jew jikbru fil-prominenza. Is-sehem tal-prodotti intermedji fl-importazzjonijiet waqa' fl-UE-15, fil-Ġappun u fl-Istati Uniti, filwaqt li fl-istess ħin qiegħda tikber fost l-isħab reġjonali anqas avvanzati.

Minħabba fil-kumpaniji globali li huma involuti, l-esternalizzazzjoni ta' xi fażijiet tal-produzzjoni hija karatteristika partikolari ta' l-ICT u ta' l-industriji tal-karozzi.

6.   Esternalizzazzjoni tas-servizzi

6.1

Il-kummerċ madwar id-dinja fis-servizzi bħalissa qiegħed jikber b'rata mgħaġġla ħafna simili għal dawk fl-oġġetti, u għalhekk qiegħed jikber b'rata aktar mgħaġġla mill-PGD. Il-kummerċ fis-servizzi kiber minn 3.8 % tal-PGD globali fl-1992 għal 5.7 % fl-2003.

6.2

Filwaqt li l-kategoriji tat-trasport u tat-turiżmu qegħdin jikbru bl-istess pass tal-PGD, il-qasam bl-akbar tkabbir mgħaġġel kien il-kategorija “tas-setturi l-oħra,” li jinkludu servizzi relatati man-negozju. B'hekk, is-servizzi finanzjarji, informatiċi u ta' l-informazzjoni huma b'saħħithom ferm.

6.3

F'termini netti (esportazzjonijiet li minnhom jitnaqqsu l-importazzjonijiet), dawk li ggwadanjaw mis-suq ta' l-esternalizzazzjoni tas-servizzi kienu l-Istati Uniti, l-UE-15 u l-Indja; relattivament, l-Indja kisbet l-akbar gwadanji.

7.   Is-saħħa u d-djufija ta' l-UE

7.1

Sa mill-1990, l-UE rnexxilha żżomm il-post tagħha fil-quċċata fil-kummerċ dinji kemm fil-prodotti kif ukoll fis-servizzi. Sa ċertu punt dan huwa dovut għall-fatt li l-fażi ta' investiment intensiv tal-proċess ta' tlaħħiq globali fil-bidu tad-disgħinijiet iffavorew dawk l-industriji li jimmanifatturaw prodotti li għandhom bżonn investiment qawwi — qasam li fih l-UE għandha pożizzjoni relattivament għolja. L-UE hija fuq nett fis-suq għal firxa ta' prodotti industrijali li jirrikjedu teknoloġija medja u investiment qawwi u hija b'saħħitha ħafna fil-produzzjoni dinjija tal-karozzi, fl-industrija farmaċewtika, fil-qasam tat-tagħmir speċjalizzat u fis-servizzi finanzjarji u tan-negozju.

7.1.1

Bejn l-1992 u l-2003, l-eċċess fil-kummerċ estern ta' l-UE kiber minn 0.5 % għal 1.5 % tal-PGD u jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għat-tkabbir tal-PGD.

7.1.2

Bla dubju ta' xejn, wieħed mill-vantaġġi ta' l-UE huwa s-suq intern tagħha stess, li mhux biss joffri qafas legali stabbli iżda wkoll suq domestiku li huwa daqstant kbir. Bħala riżultat tat-tkabbir, parti mill-esternalizzazzjoni seħħet fl-Istati Membri l-ġodda.

7.1.3

L-istudju juri li xi oqsma ta' manifattura, bħalma huma l-industrija tal-karozzi, l-esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż għandha t-tendenza li tiffoka fuq reġjuni speċifiċi (mill-UE-15 għall-Istati Membri l-ġodda; mill-Istati Uniti għall-Messiku u l-Brażil; mill-Ġappun għax-xlokk ta' l-Ażja u ċ-Ċina). Dan jiġi spjegat prinċiparjament mill-ispejjeż marbuta mad-distanzi, per eżempju tat-trasport. Madankollu, fil-każ tat-teknoloġiji l-ġodda u s-servizzi, dawn l-ispejjeż jaffettwaw inqas.

7.2

Fl-istess waqt, madankollu, l-istudju jindika wkoll numru ta' oqsma ta' preokkupazzjoni, li jinkludu ġeografikament, fir-rigward tad-defiċit fil-kummerċ li dejjem qiegħed jikber ta' l-UE ma l-Ażja in ġenerali, u, teknoloġikament, fir-rigward tal-prestazzjoni kemm xejn fqira il-qasam ta' l-ICT ta' l-UE. Fattur partikolari li wieħed irid iqis huwa li xi pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw huma ħerqana li jimxu'l quddiem fil-katina tal-valur u għalhekk qegħdin jinvestu ħafna fir-riċerka u l-iżvilupp u t-taħriġ.

7.2.1

Sal-lum, is-suċċess ta' l-Asja fis-suq dinji kien l-aktar f'oqsma bħalma huma l-ICT li, minn perspettiva Ewropea, kienu inqas importanti minn oqsma oħra bħall-industrija tal-karozzi u dik farmaċewtika jew is-settur tal-kimiċi. Fuq il-medda ta' dawn l-aħħar ħmistax-il sena, ħafna pajjiżi Ażjatiċi speċjalizzaw fil-produzzjoni ta' l-ICT (3). Wieħed jistenna li, hekk kif ikomplu jiżviluppaw, dawn il-pajjiżi ser idawwru l-attenzjoni tagħhom lejn industriji li s'issa l-UE ddominat (e.ż it-tessili).

7.2.2

L-UE u ċ-Ċina jgawdu komplimentarjetà qawwija fl-istrutturi tal-kummerċ tagħhom, bl-UE tispeċjalizza fit-teknoloġija li hija medjament avvanzata u l-podotti kapitali, u ċ-Ċina tiffoka fuq oqsma tal-produzzjoni ta' l-ICT li huma baxxi fit-teknoloġija u li jirrikjedu ħafna ħaddiema. Dan il-mudell ta' komplimentarjetà jissarraf b'mod dirett f'termini favorevoli ta' xejriet fil-kummerċ għall-UE, sabiex ħafna pajjiżi membri ta' l-UE bħalissa qegħdin igawdu minn vantaġġi sinifikanti fil-qawwa tagħhom ta' ipprezzar fil-konfronti ta' swieq li qegħdin jistabbilixxu ruħhom bħaċ-Ċina. Dawn ir-riżultati jissuġġerixxu li l-proċess ta' tlaħħiq ta' ekonomiji kbar li qegħdin jistabbilixxu ruħhom bħaċ-Ċina jista' jkun proċess ta' benefiċċju reċiproku, bi gwadanji per capita qawwija kemm għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw kif ukoll għal dawk żviluppati.

7.2.3

L-esternalizzazzjoni tas-servizzi lejn l-Indja bħalissa (għadu) ta' importanza macroekonomika żgħira.

7.3

Fuq perijodu medju u twil l-UE qiegħda tiffaċċja dawn il-problemi potenzjali ta' kummerċ estern.

7.3.1

Il-prestazzjoni tajba ta' l-UE fid-disgħinijiet kienet l-aktar dovuta għall-gwadanji li saru fil-fażi inizjali tal-liberalizzazzjoni tas-suq dinji li kienet tenħtieġ investiment kbar — xenarju li mhux ser jippersisti b'mod indefinit.

7.3.2

L-UE hija dagħjfa f'firxa wiesgħa ta' industriji b'teknoloġija avvanzata, l-aktar l-ICT.

7.3.3

L-Asja qiegħda ssir kompetitur potenzjali fil-kummerċ fl-industriji l-aktar ċentrali għall-UE. Il-produtturi Ċiniżi li jonfqu inqas x'aktarx ser jiddominaw firxa wiesgħa ta' industriji b'teknoloġija baxxa u li jirrekjedu għadd kbir ta' ħaddiema. L-implikazzjonijiet ta' dan huma akbar għall-UE milli għall-Istati Uniti u l-Ġappun..

8.   Dawk li jiggwadanjaw u li jitilfu mill-esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż

8.1

L-esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż tiġġenera aktar kummerċ, spiss f'tipi ġodda ta' prodotti u f'setturi ġodda. Nafu mit-teorija u mill-istudji empiriċi li l-kummerċ jiġġenera l-ġid, u għalhekk wieħed jista' jassumi li l-esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż tkabbar il-benesseri fil-livell dinji. Fattur li joħloq komplikazzjoni hawnhekk, naturalment, huwa il-fatt li l-vantaġġi finanzjarji li jwasslu għar-rilokazzjoni barra mill-pajjiż ta' ċerti produzzjonijiet tista' tkun dovuta għal regolamentazzjoni ambjentali inqas stretta fir-rigward ta' l-effetti ambjentali ta' natura globali. Iżda jekk dak mhuwiex il-każ nistgħu nassumu li r-rilokazzjoni barra mill-pajjiż iżid il-benesseri fid-dinja. Iżda nafu wkoll li l-kummerċ ta' spiss joħloq rebbieħa u telliefa u l-mistoqsija hi min ser ikunu ir-rebbieħa u min ser jitlef fl-Ewropa ta' rilokazzjoni akbar barra mill-pajjiż.

8.1.1

Naturalment, id-deċiżjoni ta' kumpanija li testernalizza ċertu xogħol tista' tkun deċiżjoni ħażina għall-kumpanija. Jista' jkun hemm ħafna raġunijiet għal dan. Il-klijenti jistgħu ma japprezzawx li jiġu moqdija minn ċentri ta' sejħiet barra mill-pajjiż, il-kumpaniji jistgħu ma jirċevux il-prodotti intermedji fil-kwalità mixtieqa jew fil-ħin speċifikat, jista' jkun hemm nuqqas ta' ftehim minħabba l-kultura bejn il-kumpaniji u l-klijenti jew bejn pajjiż u ieħor jew informazzjoni riżervata tista' tgħaddi għand il-kompetituri.

8.1.2

Iżda hawnhekk irridu nitilqu mill-premessa li d-deċiżjoni minn kumpanija (jew gvern) li biċċa xogħol tintbagħat barra mill-pajjiż jew li jkun hemm esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż tiġi implimentata b'suċċess. Liema rebbieħa jew telliefa jistgħu jiġu identifikati?

8.2   Ir-rebbieħa

8.2.1

Kumpaniji Ewropej li jħaddmu r-rilokazzjoni (offshoring) u l-esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż.

Dawn ikollhom aċċess għal tnaqqis fl-ispejjeż potenzjalment sinifikanti, l-aktar minħabba fl-iffrankar ta' spejjeż tal-ħaddiema aktar baxxi. Aktar fit-tul, dawn il-kumpaniji ser jigwadanjaw aċċess ukoll għar-riżervi l-ġodda ta' ħaddiema mħarrġa, kemm direttament permezz tal-faċilitajiet rilokati (offshored) tagħhom stess kif ukoll indirettament permezz ta' l-esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż mill-fornituri lokali. Barraminhekk, għal kumpaniji li jinsabu fl-Ewropa bi swieq tax-xogħol regolati tajjeb, il-lokazzjonijiet barra (offshore locations) mill-pajjiż ġeneralment jippermettu ġestjoni aktar flessibbli ta' l-ammont ta' ħaddiema magħhom. L-iżvilupp ta' swieq ġodda jista' wkoll jibda mill-istabbiliment ta' faċilità rilokata barra mill-pajjiż hemmhekk. Dawn il-faċilitajiet ta' produzzjoni lokali jistgħu jippermettu lill-kumpaniji Ewropej sabiex jipproduċu prodotti u servizzi bi prezzijiet li jagħmluha possibbli li jsir bejgħ f'pajjiżi b'pagi baxxi.

8.2.2

Kumpaniji Ewropej li jfornu produzzjonijiet u servizzi rilokati jew esternalizzati barra mill-pajjiż.

Bid-dħul tat-12-il Stat Membru ġdid fl-2004 u l-2007, l-Unjoni Ewropea issa għandha diversi riżervi kbar ta' prodotti u servizzi rilokati u esternalizzati barra mill-pajjiż. Madankollu xi pajjiżi ta' l-UE-15, speċjalment l-Irlanda ukoll ibbenefikaw bħala “lokalità ta' produzzjoni rilokata barra mill-pajjiż.” Il-benefiċċji għall-pajjiżi fornituri huma ċari: il-benefiċċji immedjati huma f'termini ta' xogħol iġġenerat u investiment, u dawk aktar fit-tul huma t-tekonoloġija, u t-trasferiment ta' ħiliet għall-popolazzjoni lokali li jakkumpanjaw d-deċiżjonijiet ta' rilokazzjoni u esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż tal-kumpaniji.

8.2.3

Il-Konsumaturi ta' prodotti u servizzi rilokati jew esternalizzati barra mill-pajjiż.

Il-konsumaturi finali ta' prodotti u servizzi li jiġu rilokati barra jistgħu jgawdu minn prezzijiet orħos ta' l-oġġetti li jikkonsmaw. Per eżempju, kien hemm stima li l-prezz tas-semikondutturi u taċ-ċippi tal-memorja niżel b'10 sa 30 fil-mija tal-prezz fid-disgħinijiet minħabba l-globalizzazzjoni ta' l-industrija hardware fl-IT. Il-konsumaturi jistgħu jiggwadanjaw ukoll miż-żieda fil-ħinjiet tal-kummerċ f'ħafna industriji tas-servizzi — per eżempju l-opportunità li ħafna li tilħaq ċentru tas-sejħiet tal-kumpanija f'Banalore wara l-5pm GMT/CET. It-tnaqqis fil-prezzijiet jiddependi minn kemm tkun saret rilokazzjoni u esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż meta mqabbel mat-total, dan ibaxxi l-inflazzjoni u b'hekk iwassal għal aktar possibilità ta' xiri.

8.3   It-telliefa

8.3.1

Ħaddiema Ewropej li jitilfu xogħolhom minħabba r-rilokazzjoni u l-esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż.

Ħaddiema li jitilfu xogħolhom minħabba r-rilokazzjoni u l-esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż imma dawk li jitilfu immedjatament. Dawk li jitilfu xogħolhom huma grupp żgħir u kkonċentrat li jintlaqtu ħażin ħafna, relattivament għall-grupp ħafna akbar u aktar numeruż ta' dawk li jiggwadanjaw mir-rilokazzjoni u l-esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż, li (bl-eċċezzjoni possibbli ta' xi kumpaniji) kollha ser jibbenefikaw relattivament ftit fuq bażi individwali. Din l-assimetrija bejn min jiggwadanja u min jitlef tirrendi l-ekonomija politika tar-rilokazzjoni barra mill-pajjiż identika għall-ħafna mid-diskussjonijiet l-oħra tal-kummerċ ħieles u l-kompetizzjoni ta' l-importazzjoni. Il-Fond Ewropew għall-Aġġustament tal-Globalizzazzjoni li l-Kunsill waqqaf wara l-istedina tal-Kummissjoni jipprovdi b'mezz sabiex jgħin dan il-grupp, għalkemm b'riżorsi limitati.

8.3.2

Kumpaniji Ewropej li ma jistgħux jadottaw “l-aħjar prattiċi” permezz tar-rilokazzjoni u l-esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż.

Il-problema fundamentali li qegħda tiffaċċja l-Ewropa illum huwa tkabbir baxx fil-produttività. Peress li l-globalizzazzjoni taċċellera, għal aktar u aktar industriji r-rilokazzjoni u l-esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż huma imperattivi sabiex jibqgħu kompetittivi u kumpaniji li ma jistgħu jirristrutturaw l-operazzjonijiet tagħhom bl-użu tar-rilokazzjoni u l-esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż ta' prodotti jew ħidmiet intermedjarji partikolari ser ikunu żvantaġġjati fil-kompetizzjoni kontra kemm il-kompetituri tagħhom barra mill-UE kif ukoll il-kompetituri fl-UE li jistgħu jagħmlu dan. Dan ifisser li huma qegħdin jirriskjaw li jiffaċċjaw tkabbir aktar bil-mod u fl-aħħar mill-aħħar jiġu eliminati mis-suq jew jiddeċiedu li jċaqilqu l-produzzjoni tagħhom kollha barra mill-pajjiż ta' l-oriġini tagħhom — fiż-żewġ każi dan jista' jwassal għal telf akbar ta' impjiegi milli kieku kien possibbli li jirrilokaw jew jesternalizzaw barra mill-pajjiż fi stadju aktar bikri.

9.   Il-bżonn ta' azzjoni u rakkomandazzjonijiet.

9.1

Il-Kumitat fil-passat ħareġ diversi opinjonijiet dwar is-suġġett tal-kummerċ dinji u l-globalizzazzjoni b'mod ġenerali (4), l-aktar reċenti l-opinjoni dwar L-isfidi u l-opportunitajiet għall-UE fil-kuntest tal-globalizzazzjoni (REX/228 — Rapporteur: is-Sur Malosse). F'dik l-opinjoni tal-Kumitat, huwa tkellem favur inter alia strateġija komuni sabiex tiġi ffaċċjata l-globalizzazzjoni, stat planetarju ggvernat mill-istat ta' dritt, il-ftuħ ibbilanċjat u responsabbli tal-kummerċ, integrazzjoni aktar mgħaġġla, u globalizzazzjoni b'wiċċ uman.

9.1.1

Mhux ta' l-anqas minħabba li dawn l-iżviluppi fil-kummerċ ta' prodotti huma pożittivi għall-UE, din ta' l-aħħar tagħmel sew li tadotta attitudini pożittiva u proattiva lejn kummerċ dinji ħieles u lejn strateġija ta' globalizzazzjoni attiva. Dan apparti, hemm bżonn li jkun hemm attenzjoni speċjali sabiex il-benefiċċji ggwadanjati jitqassmu bejn kulħadd u lid-diskussjoni politika. L-UE trid taġixxi favur kondizzjonijiet ġusti u żvilupp sostenibbli fil-kummerċ dinji (ekonomiku, soċjali u ambjentali).

9.1.2

Il-politika tal-kummerċ fl-UE trid tkun aktar immirata lejn titjib ta' l-istandards soċjalie u ambjentali u li jinstab approċċ politiku li jikkombina s-solidarjetà ma' l-interess individwali u l-benefiċċji għal kulħadd. Irid isir progress akbar fit-tneħħija ta'l-ostakli kummerċjali non-tariffarji, speċjalment fejn hemm diskriminazzjoni kontra negozzji Ewropej. B'konnessjoni ma' l-esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż, il-Kumitat jisħaq is-sejħa tiegħu sabiex ikun hemm ħarsien aħjar tal-proprjetà intellettwali.

9.1.3

Id-dibattitu attwali dwar il-bidla fil-klima, l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra u l-iżvilupp sostenibbli ser ikabbru r-rilevanza ta' l-evalwazzjoni mill-ġdid ta' ħafna aspetti tal-globalizzazzjoni, inkluż il-kummerċ. Il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw diġà qegħdin ifittxu assistenza akbar, jew għall-“bini tal-kapaċità,” fl-użu ta' teknoloġiji aktar nodfa. Trid tingħata aktar attenzjoni lill-użu ta' trasport aktar nadif u effiċjenti fuq pjan enerġetiku, speċjalment it-trasport tal-baħar, fejn hu xieraq. Kunsiderazzjonijiet ambjentali ser ikollhom piż akbar fid-deċizjonijiet għal-lokazzjoni futura ta' l-impjanti tal-manifattura u d-distribuzzjoni sussegwenti tal-prodotti. Il-Kumitat għalhekk jistenna li l-Kummissjoni, fejn mhux diġà qiegħda tagħmel dan, tagħmel studji separati fl-aspetti relatati mal-kummerċ fid-dibattitu dwar il-bidla fil-klima.

9.2

L-UE l-ewwel trid tkun konxja tal-vantaġġi tagħha sabiex tibni fuqhom. B'mod partikolari, dawn is-setturi ta' teknoloġija intermedja li diġa ssemmew huma ta' spiss ikkaratterizzati minn livelli għoljin ta' innovazzjoni. Aktar minn hekk, madankollu, l-investiment (fit-tagħmir u l-ideat) huwa meħtieġ fl-oqsma l-ġodda. Is-seba' programm ta' qafas (2007-2012) jenfassizza xi wħud minn dawn l-opportunitajiet. Din it-triq trid tkompli tiġi segwita u b'aktar intensità (5).

9.3

Fid-dawl ta' l-iżvilupp mgħaġġel ta' l-esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż, hemm bżonn ta' aktar analiżi b'mod urġenti (li tqis differenzi settorjali u reġjonali), speċjalment peress li l-istudju msemmi f'din l-opinjoni tagħti biss stampa ġenerali ħafna u ma tikkunsidrax l-aħħar żviluppi.

9.3.1

L-aktar tkabbiriet riċenti ta' l-UE ħolqu opportunitajiet ġodda għall-esternalizzazzjoni lejn l-Istati Membri l-ġodda u dan jirrikjedi analiżi attenta ħafna, għaliex kemm ir-rebbieħa kif ukoll it-telliefa huma fi ħdan il-Komunità. Jekk nikkunsidraw li l-esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż lejn l-Istati Membri l-ġodda u futuri għandha tagħti kontribut pożittiv lill-istrateġija ta' koeżjoni, huwa loġiku li tiġi eżaminata d-direzzjoni fil-ġejjieni ta' l-istrumenti finanzjarji rilevanti ta' l-UE.

9.3.2

Għad ma hemmx studji oħra ddettaljati dwar l-impatt addizzjonali ta' l-esternalizzazzjoni fuq l-impjieg u l-ħiliet.

9.3.3

Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Kummissjoni tniedi din l-analiżi, li għandha tinkludi x-xenarji possibbli fuq perijodu qasir u intermedju, u li tinvolvi l-partijiet interessati fil-proċess. L-istħarriġ fost dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fin-negozji xi kultant jagħtu stampa differenti minn dik li toħroġ mill-istatistika tal-kummerċ.

9.3.4

Din l-analiżi tista' wkoll tifforma parti mill-analiżi settojali taħt il-politika industrijali l-ġdida. Jistgħu wkoll iservu ta' bażi għad-diskussjonijiet taħt id-djalogu soċjali settorjali, u b'hekk jipprovdu mezzi addizzjonali sabiex il-bidla tiġi ffaċċjata u antiċipata. (Dwar dan is-suġġett, ara d-diversi opinjonijiet tas-CCMI/KESE.)

9.4

Ir-risposti għall-isfidi għall-Ewropa li qegħdin iqumu mill-integrazzjoni tal-kummerċ dinji u ż-żjieda fl-esternalizzazzjoni tal-produzzjoni Ewropea, jinsabu prinċipalment fl-istrateġija ta' Lisbona. F'dan il-kuntest, is-CCMI jenfasizza l-punti li ġejjin bħala essenzjali sabiex l-Ewropa tkun tista' tadatta u tkun kompetittiva fil-proċess ta' globalizzazzjoni:

It-tkomplija u t-tisħiħ tas-suq intern

Il-promozzjoni ta' l-innovazzjoni;

Stimulazzjoni ta' l-impjieg.

9.4.1

L-iżvilupp u l-espansjoni ulterjuri tas-suq uniku bl-iskop li jiġi ottimizzat il-moviment ħieles tal-prodotti, is-servizzi, in-nies u l-kapital ser jagħti kontribut sinifikanti għat-tisħiħ tal-kompetizzjoni u għalhekk isaħħaħ in-negozju, l-innovazzjoni u t-tkabbir.

9.4.2

Is-suq intern jista' jsir realtà kompleta biss meta l-leġislazzjoni tiġi trasposta kompletament u sew u tkun daħlet fis-seħħ. Il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom jiżguraw li l-Istati Membri ma jdewmux dan il-proċess.

9.4.3

L-iżvilupp tat-teknoloġija u l-ġibda ta' l-innovazzjoni lejn l-Unjoni huma ta' importanza kritika sabiex jiġi żgurat li l-Ewropa tista' tikkompeti fis-suq globali. Dan ikollu l-effett li jiżdiedu n-numru ta' impjiegi li jeħtieġu ħafna ħila fl-UE u b'hekk l-UE ssir lokalità aktar attraenti sabiex wieħed jibda' n-negozju u jinvesti.

9.4.4

Il-proċess tal-brevettar irid ikun kost-effettiv u sempliċi sabiex jikkontribwixxi lejn il-promozzjoni ta' l-innovazzjoni. Fil-preżent brevett għall-invenzjonijiet li joffri protezzjoni madwar l-UE kollha jiswa ħafna aktar u huwa ħafna aktar ikkumplikat minn brevett Amerikan. Hemm bżonn li jidħol fis-seħħ Brevett Komunitarju li huwa kost-effettiv.

9.4.5

Hemm bżonn li jsir sforz ikkonċertat sabiex tintlaħaq il-mira ta' 3 % tal-PGD ta' nefqa fir-riċerka u l-iżvilupp nazzjonali li ġiet stabbilita f'Lisbona kemm jista' jkun malajr. Bħalma juru l-figuri prinċipali dwar ix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni li nħarġu mill-Kummissjoni fil-11 ta' Ġunju 2007, f'85 % tal-każi, id-dewmien fil-kisba tal-mira huwa dovut għan-nuqqas ta' investiment min-naħa tan-negozju. Madankollu, fl-istess ħin, jista' jintlaħaq livell għoli ta' riċerka u żvilupp jekk impenn kbir min-naħa tas-settur privat jiġi akkumpanjat minn livelli għoljin ta' investiment pubbliku. Fl-UE, is-settur pubbliku (jiġifieri, l-Istati Membri) għalhekk irid ikompli jinvesti fir-riċerka u l-iżvilupp sabiex l-attivitajiet fir-riċerka u l-iżvilupp mis-settur privat ikomplu jiżviluppaw.. Barraminhekk, il-gvernijiet għandhom jintroduċu politika ta' finanzjar innovattiva sabiex jippromovu l-investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp.

9.4.6

L-investiment fit-teknoloġija ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni tippromovi l-effiċjenza fil-gvern u tħaffef ir-rabtiet bejn il-konsumaturi u s-swieq fl-Ewropa. L-iżvilupp ta' netwerk komprensiv ta' konnessjonijiet broadband għall-internet trid tkun prijorità.

9.5

Il-politika ta' l-impjiegi hija partikolarment importanti f'dan il-proċess. Din hi kwistjoni ta', l-ewwel nett li jinstabu opportunitajiet ta' impjieg għal dawk li jitilfu l-impjieg tagħhom minħabba l-esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż, u t-tieni, ż-żamma tal-livelli tal-ħiliet u l-adattabilità tal-ħaddiema. Ħaddiema li jitilfu xogħolhom minħabba r-rilokazzjoni u l-esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż isibuha diffiċli ħafna li jsibu xogħol ġdid. Xi ftit tas-snin ilu biss, kien possibbli li jinstab xogħol ġdid fi tliet jew erba' xhur. Dan il-proċess issa jista' jdum diversi snin, peress li l-produzzjoni li teħtieġ ħafna ħaddiema dejjem aktar qiegħda titlaq u mhux qiegħda tiġi offruta l-ebda alternattiva adegwata. Ħaddiema flessibbli, mħarrġa tajjeb u mmotivati huma ċ-ċavetta għall-kompetittività ta' l-ekonomija Ewropea.

9.5.1

Għalhekk, f'dan il-kuntest ukoll, il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-konklużjonijiet tar-rapport Wim Kok (6) dwar

Iż-żieda ta' l-adattabilità tal-ħaddiema u tan-negozji, sabiex b'hekk jiżdiedu l-possibilitajiet tagħhom li jantiċipaw il-bidla.

Li jidħlu aktar nies fis-suq tax-xogħol.

Investiment akbar u aktar effettiv fil-kapital uman.

9.5.2

F'dinja ta' bidliet mgħaġġla, it-teknoloġiji jiġu u malajr jiskadu. Il-gvernijiet Ewropej iridu jiżguraw li ċ-ċittadini tagħhom huma kapaċi jadattaw f'dan l-ambjent ġdid, sabiex jiżguraw l-opportunitajiet għal kulħadd. Hemm bżonn urġenti ta' politiki soċjali u tas-suq tax-xogħol moderni li huma mmirati sabiex jippromovu l-opportunitajiet, l-impjegabilità, permezz tad-dispożżijoni tal-ħiliet u tal-passi li jippromovu l-adattabilità tal-ħaddiema u l-kapaċità għat-taħriġ mill-ġdid u l-mobilità ġeografika.. Ċentrali għal din l-ambizzjoni hija l-ħtieġa għal edukazzjoni nazzjonali u politiki ta' ħiliet imfassla u implimentati mill-Istati Membri, u mibnija fuq il-pedament ta' l-investiment fl-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja sabiex in-nies jiġu mgħammra ħalli jadattaw għall-bidla u għal oqsma ġodda ta' vantaġġ relattiv. Kif kien ġie enfasizzat fl-aġenda ta' Lisbona, dan għandu jinkludi “ħiliet ġodda bażiċi”, bħalma huma ħiliet fl-IT, il-lingwi barranin, il-kultura teknoloġika, l-intraprenditorija u l-ħiliet soċjali.

9.6

Flimkien mal-ħiliet tal-ħaddiema, huwa importanti ħafna li l-esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż ma twassalx għal telf ulterjuri ta' għarfien. Hemm bżonn li jinżamm ambjent li jirrendi l-Ewropa lokalità attraenti għar-riċerka u l-iżvilupp. Sabiex dan iseħħ, hemm bżonn li jerġa' jiġi maħsub is-sehem ta' l-universitajiet (b'mod partikolari fis-suġġetti tekniċi u x-xjenzi naturali) flimkien man-netwerkjar Ewropew tagħhom u l-kooperazzjoni tagħhom ma' l-industrija.

9.7

Il-kompetittività Ewropea ser tkun l-ewwel u qabel kollox ibbażata fuq ekonomija li għandha l-bażi tagħha fl-għarfien u l-innovazzjoni, u solidarjetà ibbażata fuq mudell soċjali li jiżgura koeżjoni b'saħħitha. L-Ewropa ma tistax tirbaħ il-kompetizzjoni bi standards soċjali u ambjentali baxxi.

Brussell, 26 ta' Settembru 2007

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Dokumenti Ekonomiċi Numru 259: L-integrazzjoni tal-kummerċ globali u l-esternalizzazzjoni:kemm qiegħda jirnexxilha tiffaċċjati l-isfid l-ġodda l-UE minn Karel Havik and Kierian McMorrow.

(2)  Il-kontejnerizzazzjoni hija sistema inter-modali li biha tiġi trasportata l-kunsinna ġenerali jew il-prodott fil-lott bl-użu ta' kontejners li huma skond l-istandard ISO. Il-merkanzija tista' tiċċaqlaq faċilment minn post għall-ieħor f'dawn il-kontejners li jistgħu jitgħabbew kif inhuma fuq vapuri tal-merkanzija, trukkijiet, ferroviji, karozzi u ajruplani. Il-kunċett tal-kontejners huwa meqjus bħala l-innovazzjoni prinċipali fil-qasam tal-loġistika li wasslet għal revoluzzjni fl-ibburdjar u li naqset l-ispejjeż b'mod drammartiku fis-seklu għoxrin.

(3)  Siti ta' produzzjoni irħas li fihom prodotti u konoxxenza ta' tekonolġija avvanzata Amerikani jew Ewropea jiġu proċessati wkoll wasslu għal sitwazzjoni fejn oġġetti bħalma huma l-kompjuters jew il-mowbajls jidħlu fis-suq bi prezzijiet li jintlaħqu u għalhekk huma aċċessibbli għall-parti l-kbira tal-konsumaturi.

(4)  

REX/182 — Id-dimensjoni soċjali tal-globalizzazzjoni, Marzu 2005.

REX/198 — Preparazzjoni għas-sitt konferenza ministerjali tad-WTO, Ottubru 2005.

SOC/232 — Kwalità tal-ħajja professjonali, produttività u impjieg fil-kuntest tal-globalizzazzjoni u l-isfidi demografiċi, Settembru 2006.

FEX/228 — L-isfidi u l-opportunitajiet għall-UE fil-kuntest tal-globalizzazzjoni, Mejju 2007.

(5)  Dwar dan il-punt, l-opinjoni tal-KESE INT/269 — Is-seba' programm ta' qafas għar-riċerka u żvilupp, Diċembru 2005.

(6)  Rapport tal-grupp ta' ħidma mmexxi minn Wim Kok, f'Novembru 2003.

Il-gurpp ta' ħdima beda b'xogħolu f'April 2003 u rrapporta lill-Kummissjoni fis-26 ta' Novembru 2003. Il-Kummisssjoni u l-Kunsill integraw ir-riżultati tar-rapport fil-Rapport Konġunt tagħhom dwar l-impjieg tal-Kunsill tar-Rebbiegħa 2004, li kkonferma l-ħtieġa għal azzjoni deċiżiva mill-Istati Membri fuq il-linji ssuġġeruti mill-grupp ta' ħidma.


15.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 10/67


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Id-drittijiet tal-pazjent”

(2008/C 10/18)

Nhar l-14 ta' Lulju 2005, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 29 (2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li jfassal opinjoni proprja dwar Id-drittijiet tal-pazjent.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-17 ta' Lulju 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Bouis).

Matul l-438 sessjoni plenarja tiegħu tas-26 u s-27 ta' Settembru 2007 (seduta tas-26 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'108 vot favur, l-ebda vot kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Motivazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Għal bosta snin il-pajjiżi Ewropej u l-Komunità Ewropea ttrattaw il-kwistjoni tad-dritt tal-persuni li jużaw is-servizzi tas-saħħa u fasslu Charters u korp leġiżlattiv sħiħ li jippermetti l-affermazzjoni ta' dawn id-drittijiet (1). Dawn naturalment jiddependu mill-kwalità tas-sistema tas-saħħa u mill-organizzazzjonijiet tal-kura. Madankollu, kemm huma rispettati dawn id-drittijiet jiddependi wkoll mill-imġiba u mill-kooperazzjoni tal-professjonisti tas-saħħa u mill-pazjenti nnifishom u għalhekk huwa faċli li wieħed jara li hemm lok fejn jista' jsir titjib.

1.1.1

Fl-2002 l-Active Citizenship Network ipproponiet Karta Ewropea għad-Drittijiet tal-Pazjenti. Dawn id-drittijiet, li huma bbażati fuq il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea (Artikolu 35), huma importanti għar-relazzjoni li ċ-ċittadini Ewropej għandhom mas-sistema tas-saħħa tagħhom. Madankollu, studju li sar minn organizzazzjonijiet taċ-ċittadini f'14-il pajjiż ta' l-Unjoni Ewropea juri li l-livell ta' protezzjoni ta' dawn id-drittijiet ivarja ħafna bejn pajjiż u ieħor. Dan għandu implikazzjonijiet għall-impenn ibbażat fuq il-prinċipju tas-solidarjetà tal-Kummissjoni Ewropea li jeħtieġ li jiggarantixxi liċ-ċittadini Ewropej aċċess effettiv għas-servizzi tas-saħħa.

1.1.2

Illum qegħdin jiġu żviluppati politiki pubbliċi li t-tendenza tagħhom hija li tippromovi aktar u aktar il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fl-iżvilupp ta' metodi ta' parteċipazzjoni fid-diversi pajjiżi ta' l-Ewropa: il-konferenzi ta' konsensus fid-Danimarka, it-twaqqif ta' panels taċ-ċittadini f'bosta pajjiżi Ewropej, l-assembleji ġenerali, eċċ. Il-Kunsill ta' l-Ewropa u l-Parlament jippromovu sforzi bħal dawn favur il-parteċipazzjoni.

1.1.3

Wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Konsultazzjoni dwar azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-servizzi tas-saħħa”, id-dikjarazzjoni tal-Kunsill tas-Saħħa ta' l-1 ta' Ġunju 2006 dwar “il-valuri u l-prinċipji komuni tas-sistemi tas-saħħa ta' l-Unjoni Ewropea”, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar il-mobilità tal-pazjenti, ir-rapport tal-Parlament Ewropew dwar il-mobilità tal-pazjenti u l-iżviluppi fil-kura tas-saħħa fl-Unjoni Ewropea u r-Riżoluzzzjoni tal-Parlament tal-15 ta' Marzu 2007, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jistieden lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tieħu inizjattivi għall-implimentazzjoni ta' politika tas-saħħa li tirrispetta d-drittijiet tal-pazjenti u li għandha tinkludi:

ġabra komparattiva ta' l-obbligazzjonijiet regolatorji u etiċi użati f'kull pajjiż individwali ta' l-Unjoni Ewropea u l-analiżi tagħhom,

it-tfassil, fil-forma l-aktar xierqa, ta' pjan ta' azzjoni Komunitarju prattiku,

il-valutazzjoni programmata ta' l-applikazzjoni tat-testi u l-politiki adottati,

ix-xandir tar-riżultati ta' dan ix-xogħol fost l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli u r- rappreżentanti tad-diversi kategoriji soċjo-professjonali u fost l-utenti kkonċernati,

id-dikjarazzjoni tal-Ġurnata Ewropea għad-Drittijiet tal-Pazjent.

1.1.4

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għalhekk ser jindirizza l-kwistjoni tad-drittijiet tal-pazjenti sabiex jiġbed l-attenzjoni ta' l-awtoritajiet Ewropej lejn il-ħtieġa li dawn jiġu rrispettati, b'kunsiderazzjoni partikulari għad-dritt tal-mobilità taċ-ċittadini fis-27 Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea u d-dritt li dawn jibbenefikaw b'mod ugwali minn servizzi ta' kwalità fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom u fil-pajjiżi ospitanti, u speċjalment li jiġu implimentati fl-Istati kollha tal-Komunità Ewropea. Barra minn hekk, l-affermazzjoni mill-ġdid ta' dawn id-drittijiet timplika bidla fl-attitudni u fl-imġiba tal-professjonisti kollha u ta' l-istabbilimenti tas-saħħa fir-relazzjoni ta' kuljum tagħhom mal-pazjenti.

1.1.5

Il-kwistjoni tad-drittijiet tal-pazjenti ħafna drabi teħtieġ riflessjoni etika li tinvolvi s-sistema politika u soċjali tal-pajjiż ikkonċernat. Mandakollu, minkejja d-diskrepanzi fl-organizzazzjoni tas-sistemi tas-saħħa u minkejja d-diversità tad-dibattiti, wieħed jinnota evoluzzjoni simili tal-problema tas-saħħa fil-pajjiżi kollha ta' l-Ewropea u t-tendenza ġenerali u inevitabbli lejn l-affermazzjoni tad-drittijiet ta' l-individwu li jirrikorri għall-kura.

1.2

Filfatt, wieħed jinnota evoluzjoni tal-bżonnijiet tas-saħħa u ta' l-aspettativi tal-popolazzjonijiet, u lil hinn mis-sistema tas-saħħa, evoluzzjoni politika li tixtieq tipprovdi dejjem aktar spazju għall-fehma ta' l-individwu.

1.3

Il-progress tal-mediċina u t-twaqqif ta' sistemi ta' protezzjoni soċjali wasslu għal transizzjoni epidemjoloġika ġenerali li ttraduċiet ruħha f'inqas każijiet ta' kura fuq perijodu qasir u, fuq kollox, f'aktar każijiet ta' mard kroniku, fenomenu li jirriżulta mill-fatt li l-popolazzjoni qiegħda tixjieħ dejjem aktar. Il-provvista ta' kura għall-persuni b'mard kroniku jimplika li tingħata kura għal ċertu tul ta' żmien, u li b'hekk dawn il-persuni morda jakkwistaw għarfien akbar mill-esperjenza tagħhom ta' aċċess għas-sistema tal-kura, kif ukoll mit-tiġrib personali tagħhom tal-mard.

1.4

Il-wasla tat-teknoloġiji ġodda ta' l-informazzjoni u b'mod partikulari l-iżvilupp ta' l-Internet saħħew il-livell ta' għarfien tal-pazjenti u żviluppaw il-kapaċità tagħhom li jiddiskutu u jressqu mistoqsijiet lill-professjonisti. F'ċerti każijiet il-pazjenti jkunu jafu ħafna fuq il-marda u dan għandu jiġi kkunsidrat. Kultant dan l-għarfien jixraqlu li jiġi kkunsidrat mill-professjonisti tal-kura.

1.5

B'mod ġenerali, l-aspettativi tal-pazjenti vis-à-vis il-professjonisti mhumiex limitati biss għall-aspetti tekniċi tal-kura imma jirrigwardaw ukoll aspetti soċjali u umani.

1.6

Barra minn hekk, min jgħix għal tul ta' żmien b'marda jew diżabilità jkollu ħtiġijiet u aspettativi ġodda. L-isfida għall-kura tinbidel ukoll u ma tibqax kwistjoni li għandu jinsab bilfors fejqan għall-marda imma li l-pazjent jitgħallem jgħix bil-marda fi sforz kontinwu kontra l-uġigħ.

Dan kollu jwassal sabiex il-marid jieħu parti dejjem aktar attiva fil-kura li jirċievi, b'aspettativi u ħtiġijiet dejjem ġodda.

1.7

Din l-evoluzzjoni tal-ħtiġijiet u ta' l-aspettativi tal-popolazzjoni fir-rigward tal-kura tagħmel parti minn bidla usa' fis-soċjetà li għandha l-iskop li tippromovi mudell ibbażat fuq ir-rispett għall-awtonomija ta' l-individwu u l-affermazzjoni tad-drittijiet tiegħu.

1.8

Dawn il-fatturi kollha jwasslu sabiex jintemm il-mudell paternalist ta' l-interazzjoni bejn it-tobba u l-pazjenti; dan jeħtieġ li r-rwol tal-pazjent fl-interazzjoni tiegħu mas-sistema jiġi meqjus b'mod differenti u jimplika l-affermazzjoni u l-implimentazzjoni ta' dmirijiet u drittijiet ġodda.

1.9

L-iskop ta' din l-Opinjoni huwa speċifikament li jikkonċentra fuq id-drittijiet tal-pazjenti, i.e. tal-persuni li jagħmlu rikors dirett jew indirett għas-sistema tal-kura, ikunux b'saħħithom jew morda, skond id-definizzjoni ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

2.   Kuntest

2.1

L-iżviluppi fil-mediċina, il-bidliet fil-ħtiġijiet tas-saħħa u ta' l-aspettativi ta' l-individwi jwasslu sabiex l-individwu jiġi kkunsidrat fil-kuntest tal-ħajja tiegħu, u dan ma jimplikax biss li wieħed jinteressa ruħu fl-individwu nnifsu, imma wkoll fl-ambjent familjali tiegħu, kemm dak tax-xogħol kif ukoll tal-ħbiberiji. Li wieħed jgħix bil-marda jfisser li tiġi kkunsidrata d-dimensjoni tal-kwalità tal-ħajja u dan jeħtieġ l-intervent ta' għadd ta' professjonisti u mhux biss dawk tal-korp mediku.

2.2

Filwaqt li t-tabib għad għandu rwol fundamentali fil-kura ta' l-individwu, il-kunċett ta' relazzjoni personali jrid jiġi integrat fil-funzjonament tas-sistema, jiġifieri bħala parti integrali tal-korp kollu tal-professjonisti tas-saħħa u dawk tal-qasam mediku u soċjali.

2.2.1

Il-pazjent għandu fiduċja fil-professjonisti tas-saħħa u għalhekk it-tobba u l-infermiera jridu jqisu l-imġiba tiegħu sabiex ikunu jistgħu jadattaw il-kliem tagħhom, il-kura u l-ispjegazzjoni tagħha. Dan il-proċess interattiv huwa bbażat fuq is-smigħ, id-djalogu u l-kura u jippermetti li tinbena r-relazzjoni b'saħħitha meħtieġa sabiex wieħed jiġġieled kontra l-marda.

2.2.2

Għalhekk, sa mill-bidu nett l-attitudni medika għal dawn il-kwistjoniiet għandha tkun li titfassal proċedura tabilħaqq soċjali, u li, lil hinn mill-attività teknika rigoruża indispensabbli, tissodisfa x-xewqa tal-popolazzjoni li jkollha kura komprensiva adattata għal kull individwu.

2.2.2.1

It-tim mediku u soċjali jrid ikun kapaċi jagħti parir lill-pazjent mingħajr ħsara għar-responsabbiltà tiegħu. It-tim għandu jkun hemm biex jikkura, jinforma u jappoġġja lill-pazjent. Għandu jelabora strateġija terapewtika bbażata fuq l-analiżi tas-sintomi u r-relazzjoni stabbilita mal-pazjent. Għalhekk, il-pazjent għandu d-dritt leġittimu li jinstema' b'mod personalizzat bil-għan li tiġi proposta l-aktar kura xierqa kemm fil-livell tekniku kif ukoll f'dak psikoloġiku.

2.2.3

Ir-riżultat tal-ġlieda kontra l-marda u l-għażla ta' l-aħjar tip ta' kura jiddependu ħafna mir-relazzjonijiet bejn il-pazjent u l-professjonisti mediċi li jikkurawh. Ir-riżultat huwa importanti għall-istaff mediku daqskemm huwa importanti għall-pazjenti. Dan jimplika li għandu jkun hemm lok għall-medjazzjoni sabiex ikunu jistgħu jitqiesu il-fatturi soċjali (il-ħajja tax-xogħol, il-finanzi, l-għarfien tad-drittijiet, eċċ.) u l-implikazzjonijiet tal-ħajja affettiva u familjali. F'dan il-kuntest, il-membri tal-familja u dawk qrib il-pazjent għandhom rwol fundamentali.

2.3

Għalhekk, ta' min jikkunsidra l-vantaġġi ta' laqgħa bejn organizzazzjoni tal-pazjenti u organizzazzjoni ta' professjonisti tas-saħħa.

2.3.1

Xi wħud jilmentaw dwar it-telf ta' fiduċja li jirriżulta mit-tmiem tar-relazzjoni personali bejn it-tabib u l-pazjent kif mifhuma tradizzjonalament, iżda dan l-iżvilupp għandu jitqies aktar bħala transizzjoni minn fiduċja għamja għal fiduċja msejsa fuq proċess ta' interazzjoni u skambju bejn l-individwu, il-persuni qrib tiegħu u l-professjonisti tas-saħħa.

3.   Drittijiet inaljenabbli

3.1

L-affermazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti hija msejsa fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-iskop tagħha huwa li tippromovi l-awtonomija aħħarija tagħhom. Għalhekk hemm interkonnessjoni bejn dawn id-drittijiet. Il-Karta Ewropea tad-Drittijiet tal-Pazjent imfassla fl-2002 mill-Active Citizenship Network tiddikjara 14-il dritt li l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jappoġġja u jirrikonoxxi. Il-KESE jikkunsidra li tlieta minnhom huma ta' natura orizzontali jew huma kondizzjoni għal drittijiet oħrajn.

3.2   Id-dritt għall-informazzjoni

3.2.1

L-informazzjoni tikkonċerna primarjament lill-pazjent li qiegħed jiġi trattat. L-informazzjoni għandha tipprovdi dettalji dwar il-marda, l-iżvilupp possibbli tagħha, it-trattamenti possibbli bil-benefiċċji u r-riskji assoċjati magħhom, l-istabbilimenti tal-kura tas-saħħa jew tal-professjonisti li jagħtu din il-kura, l-impatt tal-marda u tat-trattamenti fuq il-ħajja tal-pazjent. Dan huwa saħansitra aktar importanti f'sitwazzjonijiet ta' mard kroniku, ta' dipendenza, ta' diżabilità u ta' trattamenti fit-tul li jinvolvu l-organizzazzjoni mill-ġdid tal-ħajja ta' kuljum tal-pazjent u tal-qraba u l-ħbieb tiegħu.

3.2.1.1

Il-prevenzjoni hija element ewlieni tat-titjib tal-livell ta' saħħa tal-poplu. Minbarra l-kampanji ta' informazzjoni/ta' sensibilizzazzjoni, għandhom jiġu implimentati wkoll sistemi adattati ta' testijiet u stabbilimenti tal-kura.

3.2.2

L-informazzjoni m'għandhiex tkun l-għan aħħari fiha nnifisha iżda għandha tkun mezz li jippermetti lill-persuna li tagħmel għażliet ħielsa u ċari. Għalhekk, il-modi ta' trasmissjoni ta' l-informazzjoni huma importanti daqs l-informazzjoni nnifisha. Huma parti minn proċess li jagħmel użu minn sorsi differenti ta' informazzjoni, inklużi l-Internet u s-servizzi ta' għajnuna bit-telefon imħaddma minn assoċjazzjonijiet u li permezz tagħhom il-pazjent ikun jista' jikkomunika ma' firxa wiesgħa ta' professjonisti, li kull wieħed minnhom għandu r-rwol tiegħu x'jaqdi. It-trasmissjoni orali ta' l-informazzjoni hija fundamentali. Regolarment, it-tabib għandu jiżgura li l-persuna qiegħda tifhem il-fatti relatati mal-każ tagħha u li l-pazjent huwa sodisfatt bil-kura li jkun qiegħed jirċievi.

3.2.3

Barra minn hekk, indipendentement mill-persuna kkonċernata, qrabatha għandhom ikunu kkunsidrati fil-proċess ta' informazzjoni, speċjalment jekk il-pazjent ikun minuri, persuna anzjana dipendenti, eċċ. Ovvjament, l-ammont ta' informazzjoni pprovduta lill-familja jew ħbieb tal-marid jiddependi mill-istat tas-saħħa u mill-kapaċitajiet tal-pazjent li jiddeċiedi għalih innifisu.

3.2.3.1

Il-pazjenti kollha għandhom ikunu informati bil-lingwa tagħhom u l-inkapaċitajiet speċifiċi għandhom ikunu kkunsidrati.

3.2.4

Kunsens informat u aċċettazzjoni informata tar-riskji involuti biss jistgħu jkunu validi. L-informazzjoni tibqa' r-riżultat ta' rabta bejn il-pazjent u t-tabib fejn għandhom ikunu meqjusa biss l-kunsiderazzjonijiet li huma fl-akbar interess tal-pazjent u tal-benesseri tiegħu.

3.2.5

Dan l-aċċess għal informazzjoni personalizzata huwa pass indispensabbli lejn it-tnaqqis ta' l-inugwaljanzi relatati mal-problemi tas-saħħa, mal-mard, mal-provvediment ta' kura u ma' l-aċċess imtejjeb għas-sistema tas-saħħa għaċ-ċittadini kollha.

Ikun aħjar jekk l-informazzjoni dwar l-istat ta' saħħa tal-persuna, id-dijanjożi u t-terapija u r-riżultati konsegwenti jkunu miżmuma f'“fajl mediku”. L-aċċess għall-fajl direttament mill-pazjent jew permezz ta' tabib intermedjarju ta' l-għażla tiegħu, skond ix-xewqat tal-pazjent, huwa parti mill-informazzjoni u l-awtonomija tal-pazjent. Madankollu, l-isforzi kollha mmirati lejn iktar informazzjoni u trasparenza għandhom jiżguraw, permezz ta' qafas legali, li l-iproċessar ta' informazzjoni ta' natura medika ma jintużax għal skopijiet differenti minn dawk stabbiliti. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-informazzjoni elettronika u dik li tintbagħat barra mill-pajjiż, sabiex ma tasalx f'idejn żbaljati.

3.2.6

Hemm bżonn li tkun żviluppata l-informazzjoni dwar is-sistema tas-saħħa sabiex din tkun aktar aċċessibbli u trasparenti. Fil-fatt, il-pazjenti li għandhom numru ta' persuni li jikkurawhom jistgħu jħossu l-awtonomija tagħhom imsaħħa jew għall-kuntrarju jsiru totalment dipendenti fuq it-tabib tagħhom, skond kemm ikunu jafu u jifhmu kif taħdem is-sistema. Ir-riskju għalhekk huwa li jitfaċċaw talbiet inkonvenjenti min-naħa ta' l-utenti.

3.3   Dritt għall-kunsens ħieles u informat

3.3.1

Id-dritt tal-pazjenti li jipparteċipaw f'deċiżjonijiet li jaffettwawhom għandu jkun affermat. Dan ma jfissirx it-trasferiment tar-responsabbiltà mit-tabib għall-pazjent iżda jfisser il-prospett li dawn jikkomunikaw f'alleanza terapewtika, filwaqt li kull wieħed minnhom iżomm il-pożizzjoni tiegħu bid-drittijiet u l-qasam ta' responsabbiltà tiegħu.

3.3.1.1

Il-kunsens tal-pazjent ma japplikax awtomatikament għall-azzjonijiet mediċi kollha tal-futur. Il-kunsens ma jingħatax darba għal dejjem, iżda għandu jiġġedded qabel kull azzjoni medika jew kirurġika importanti.

Il-kunsens tal-pazjent informat b'dan il-mod għandu jkun espliċitu, jiġifieri għandu jingħata b'mod oġġettiv. Wara li tkun ingħatat l-informazzjoni mitluba, il-pazjent jista' jaċċetta jew jirrifjuta l-azzjoni proposta.

Fir-rigward tad-donazzjoni ta' l-organi waqt li d-donatur ikun għadu ħaj, għandha tingħata attenzjoni ikbar lill-informazzjoni dwar ir-riskji.

3.3.1.2

Meta jkun qiegħed jiġi ppruvat trattament ġdid, il-prinċipji implikati meta jkun qiegħed jintalab il-kunsens tal-marid għall-kura medika kif ukoll għar-riċerka fiha nnifisha huma l-istess. Għandha tkun irrispettata l-libertà tal-pazjent u dawn il-prinċipji għandhom ikollhom l-istess objettiv: ir-responsabbiltà u l-fiduċja komuni.

3.3.1.3

Rigward it-testijiet kliniċi, inklużi dawk li jinvolvu persuni li mhumiex morda, hemm bżonn ta' approċċ pedagoġiku partikulari. Dan l-approċċ li għandu jkun konformi ma' kriterji stabbiliti sew, jista' jiġi kkunsidrat biss jekk teżisti xewqa qawwija ta' kooperazzjoni akkumpanjata minn evidenza ta' kunsens assolut.

3.3.1.4

F'emerġenza, għandhom jiġu kkunsidrati ċerti eċċezzjonijiet għal din ir-regola; għandu jkun hemm preżunzjoni tal-kunsens tal-pazjent li jiġi kkonfermat meta jkun reġa' kiseb il-kapaċitajiet tiegħu li jieħu deċiżjoni.

3.3.1.5

Il-pazjent għandu jkollu l-possibbiltà li jaħtar persuna sabiex tirrappreżentah fil-każ li jsib ruħu inkapaċi li jesprimi l-preferenzi tiegħu.

3.3.1.6

Fil-każ tat-tfal u tal-persuni minuri li huma morda, malli jiksbu ċertu livell ta' indipendenza personali jew il-kapaċità li jieħdu deċiżjoni, għandhom ikunu kkonsultati fir-rigward ta' azzjonijiet mediċi żgħar. L-involviment tat-tfal fl-edukazzjoni dwar is-saħħa mill-aktar età bikrija possibbli jgħin sabiex ċerti sitwazzjonijiet ikunu inqas drammatizzati u sabiex titjieb il-kooperazzjoni mal-pazjenti żgħar.

3.4   Dritt għad-dinjità

3.4.1

Taħt dan it-titolu, għandu jkun inkluż id-dritt għall-privatezza, id-dritt għat-tnaqqis ta' l-uġigħ, id-dritt li wieħed imut b'dinjità, il-protezzjoni ta' l-integrità tal-ġisem tal-bniedem, ir-rispett għall-ħajja privata tiegħu u l-prinċipju tan-non diskriminazzjoni.

3.4.1.1

Kull ċittadin għandu dritt għall-kunfidenzjalità ta' l-informazzjoni dwar saħħtu, tad-dijanjożi li tkun saritlu u tat-trattament ipprovdut, kif ukoll għar-rispett tal-privatezza waqt testijiet, konsulti u trattamenti mediċi jew kirurġiċi. Dan id-dritt fundamentali jirrikjedi li l-pazjent ikun trattat b'rispett u li ma jsofrix minn rimarki u attitudni dispreġjativi min-naħa ta' l-istaff mediku.

3.4.1.2

Il-mard, id-diżabilità u d-dipendenza jdgħajfu lill-individwi. Aktar ma jħossuhom dgħajfin, inqas iħossuhom kapaċi li jitolbu livell minimu ta' rispett għalihom innifishom. Għalhekk, hija r-responsabbiltà tal-professjonisti li jkunu aktar attenti li jirrispettaw lill-persuni li huma partikolarment dgħajfin minħabba l-marda u/jew id-diżabilità tagħhom.

3.4.1.3

Ir-rikonoxximent ta' l-importanza tal-ħin iddedikat lill-konsulta, sabiex wieħed jisma' x'għandu xi jgħid il-pazjent, sabiex ikunu spjegati d-dijanjożi u t-trattament kemm fi sptar kif ukoll fi stabbilimenti oħra, huwa parti mir-rispett li għandu jingħata lill-morda. Dan l-investiment fil-ħin jgħin sabiex tissaħħaħ l-alleanza terapewtika u jiġi ffrankat il-ħin f'mumenti oħra. Il-kura tas-saħħa tfisser li wieħed jiddedika l-ħin lill-pazjent.

3.4.1.4

Dan japplika l-aktar għal dawk il-persuni li diġà jbatu min-nuqqas ta' rikonoxximent soċjali: il-persuni anzjani, il-persuni li għandhom sitwazzjoni soċjali prekarja, il-persuni li jsofru minn diżabilità fiżika, psikoloġika jew mentali, eċċ.

3.4.1.5

F'każijiet terminali jew fejn pazjent ikun qiegħed jingħata trattamenti partikolarment diffiċli, l-istaff għandu jkun aktar attent. Ir-rispett għall-pazjent u d-dritt tiegħu li jmut bid-dinjità jinkiseb billi jiġi pprovdut aċċess għal kulħadd għall-kura paljattiva maħsuba biex tnaqqas l-uġigħ u żżomm ċerta kwalità tal-ħajja billi jiġi ggarantit id-dritt tal-pazjent li jagħmel l-għażliet tiegħu sa l-aħħar ta' ħajjitha. Fost affarijiet oħra dan ifisser id-disponibilità ta' prokura li tiggarantixxi li x-xewqat tal-pazjent ikunu magħrufa sa meta jmut.

3.4.1.6

Il-metodi għat-tnaqqis ta' l-uġigħ għandom jiġu żviluppati permezz ta' l-applikazzjoni ta' mezzi effettivi, l-aċċess għal stabbilimenti speċjalizzati, l-informazzjoni u t-taħriġ għall-professjonisti tas-saħħa, l-informazzjoni tal-pazjenti u l-familji u l-ħbieb tagħhom billi għandu jkun irrispettat id-dritt ta' kull persuna li tirċievi kura li ttaffi l-uġigħ.

3.4.1.7

Ir-rekwiżit li persuna tiġi ttrattata b'rispett ma jieqafx japplika wara mewtha. Dan jimplika li għandu jiġi żgurat li meta tmut persuna li kienet fi sptar, il-familja u l-ħbieb tagħha u l-professjonisti tas-saħħa li kkurawha fl-aħħar ta' ħajjitha jirċievu appoġġ psikoloġiku xieraq u li x-xewqat u t-twemmin tal-persuna li tkun mietet ikunu rispettati strettament.

3.5

Ċerti drittijiet individwali għandhom jiġu applikati bħala parti mill-inizjattiva tas-saħħa pubblika; dan jeħtieġ reazzjoni mis-sistema fl-organizzazzjoni attwali tagħha.

3.5.1

Dritt għall-aċċess għall-kura għal kulħadd ifisser mhux biss aċċess għad-drittijiet u għall-protezzjoni soċjali iżda għall-firxa sħiħa tas-servizzi tal-kura tas-saħħa mingħajr diskriminazzjoni tal-persuna minħabba s-sitwazzjoni soċjali jew ekonomika tagħha. Dan mhux parti mill-ftuħ tas-settur tas-saħħa iżda politika tas-saħħa pubblika proattiva, b'kunsiderazzjoni li l-implimentazzjoni prattika ta' dan id-dritt tista' tvarja ħafna minn pajjiż għal ieħor, skond il-forom ta' ffinanzjar li jeżistu f'kull pajjiż.

3.5.2

Dritt għall-kura ta' kwalità għolja: kull persuna, skond l-istat ta' saħħitha, għandha d-dritt li tirċievi l-kura tas-saħħa l-aktar xierqa u li tibbenefika mill-aħjar terapiji u trattamenti mediċi li joffru l-aħjar bilanċ bejn in-nefqa u l-effettività (il-promozzjoni ta' mediċini ġeneriċi). Id-dritt għall-kura ta' kwalità għolja jimplika wkoll id-dritt għal screening u edukazzjoni terapewtika, li jitolbu investiment fir-riżorsi u fil-fondi u d-disponibilità ta' professjonisti mħarrġin b'mod adegwat.

3.5.3

Dritt għall-prevenzjoni u għas-sikurezza tal-kura: iċ-ċittadini jridu li s-sistema tas-saħħa tkun mibnija madwar u għall-poplu. Huma jixtiequ jkunu jafu aktar dwar l-istrateġiji terapewtiċi proposti, jipparteċipaw fuq livell personali jew kollettiv fl-isforzi għal prevenzjoni u jiżguraw li l-għażliet soċjali, l-imġiba u l-konsum ma jagħmlux ħsara lis-saħħa.

4.   Rakkomandazzjonijiet għall-implimentazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti

4.1

L-affermazzjoni u l-applikazzjoni ta' dawk id-drittijiet huma sorsi ta' tħassib għal ħafna professjonisti u pazjenti, għal min ifassal il-politika tas-saħħa u għall-assoċjazzjonijiet ta' l-utenti. Hemm bżonn li tispiċċa l-konfrontazzjoni bejn id-drittijiet ta' wieħed u d-dmirijiet ta' l-oħrajn. Ir-rispett għad-drittijiet tal-pazjenti jqassam l-obbligazzjonijiet u r-responsabbiltajiet tal-professjonisti u jerġa' jibbilanċjahom.

4.1.1

Billi l-istaff mediku ma jkollux jiddeċiedi waħdu dwar il-futur tal-persuni, huwa ma jkollux jerfa' r-responsabbiltà waħdu.

4.2

Fl-interess komuni, hija r-responsabbiltà kollettiva tagħna li ngħinu lill-professjonisti jirrispondu għal dawn l-aspettattivi billi:

jiġu integrati fit-taħriġ tagħhom l-aspetti etiċi, ir-rispett għall-persuna u d-drittijiet tagħha, sabiex jifhmu d-dinamiki involuti u l-implikazzjonijiet li jirriżultaw minnhom u b'hekk ma jarawx id-drittijiet tal-pazjenti bħala rbit żejjed;

jitwaqqfu postijiet għal diskusjonijiet u laqgħat bejn il-professjonisti u bejn il-professjonisti u l-utenti;

jinħolqu modi ġodda kif titwassal l-informazzjoni lill-morda billi jkunu involuti l-parteċipanti ewlenin kollha tas-sistema tas-saħħa;

jiġu żviluppati proċeduri pedagoġiċi dwar kif wieħed għandu jitratta l-kunsens, li jwasslu għal alleanza terapewtika;

jitfasslu u jinxterdu kunċetti ġodda ta' organizzazzjoni u pedagoġija, sabiex jitnaqqas kemm jista' jkun il-piż psikoloġiku fuq it-tfal li jirriżulta mit-trattament mediku u b'mod speċjali minn soġġorn fl-isptar;

jitwaqqfu kumitati għall-etika klinika fl-istabbilimenti tal-kura tas-saħħa li jippermettu l-appoġġ għall-professjonisti u r-rispett għad-drittijiet tal-morda;

jiġu inklużi l-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-kodiċi ta' etika u l-kodiċi ta' kondotta għall-professjonisti;

jiġi ffaċilitat il-mod kif taħdem is-sistema mill-utenti filwaqt li jissaħħu l-pożizzjoni u r-rwol tal-professjonisti tas-saħħa b'mod ġenerali;

jitfasslu forom ġodda ta' prattika kollettiva li jinvolvu t-tobba u l-professjonisti l-oħra tas-saħħa:

il-prattiki fi gruppi, ċentri mediċi tas-saħħa;

ir-rabtiet bejn il-professjonisti mediċi u soċjali;

jiġu kkunsidrati mill-ġdid ir-rwol tal-pazjenti, ta' l-utenti, tal-konsumaturi, tal-familja u taċ-ċittadini permezz ta':

l-integrazzjoni tar-rappreżentanti ta' l-utenti f'entitajiet rappreżentattivi;

ir-rikonoxximent tar-rwol ta' ċerti assoċjazzjonijiet fl-edukazzjoni terapewtika, il-prevenzjoni, l-informazzjoni lill-morda, eċċ.;

l-iżvilupp ta' rabtiet bejn l-istrutturi ta' l-assoċjazzjonijiet u l-entitajiet professjonali, eċċ.;

l-għoti lill-assoċjazzjonijiet tal-mezzi sabiex iwettqu l-attivitajiet tagħhom u jwasslu l-opinjoni tagħhom (taħriġ, leave tar-rappreżentazzjoni, eċċ.);

il-ħolqien ta' spazji newtrali u konvivjali fl-isptarijiet fejn il-pazjenti jkunu jistgħu jesprimu t-tħassib tagħhom u jippreparaw diskussjonijiet mal-professjonisti bl-appoġġ ta' l-assoċjazzjonijiet ta' l-utenti;

l-involviment ta' l-assoċjazzjonijiet fuq l-istess livell tal-professjonisti fl-analiżi ta' l-ilmenti u fid-definizjoni tal-modi kif tista' tittejjeb il-kwalità tal-kura.

5.   Konklużjoni: lejn affermazzjoni tad-drittijiet kollettivi

5.1

Kemm se jkunu effettivi d-drittijiet individwali ser jiddependi mir-reazzjonijiet kollettivi li jappoġġjaw din l-inizjattiva. Għalhekk, hemm bżonn li ssir ħidma għall-adozzjoni tad-demokrazija tas-saħħa, li tinkludi l-involviment kollettiv ta' l-utenti u r-rappreżentanza tagħhom f'partijiet differenti tas-sistema.

5.2

Id-drittijiet tal-pazjent huma fost affarijiet oħra espressjoni tad-drittijiet tal-bniedem, iżda fl-ebda każ ma huma kategorija separata. Huma l-manifestazzjoni tax-xewqa li l-ebda pazjent ma jrid ikun ikkunsidrat differenti u fuq kollox bħala persuna emarġinata tas-soċjetà.

5.2.1

Hemm bżonn li jkun rikonoxxut li l-utenti tas-sistema tal-kura tas-saħħa qegħdin isemmgħu aktar l-opinjonijiet tagħhom dwar il-kundizzjonijiet tal-kura tas-saħħa fuq il-bażi ta' l-esperjenzi tagħhom stess u għax dejjem qegħdin jirċievu aktar informazzjoni.

5.3

Għalhekk, ikun xieraq li wieħed jindirizza l-pożizzjoni tal-pazjent fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw lilu fl-interess tat-trasparenza tal-proċeduri u r-rispett għall-individwi.

5.4

Il-kwistjoni hawnhekk mhix l-adozzjoni ta' approċċ legali-konsumerista iżda aktar ir-rikonoxximent li l-pazjent huwa matur biżżejjed sabiex jipparteċipa fid-deċiżjonijiet li jaffettwawh fuq il-bażi tar-rispett għad-drittijiet tiegħu.

5.5

Li l-utenti u r-rappreżentanti tagħhom ikollhom il-possibilità li jagħtu l-opinjoni tagħhom hija sitwazzjoni dejjem aktar meħtieġa minħabba li l-kwistjonijiet dwar is-saħħa qegħdin imorru dejjem aktar lil hinn mis-settur tas-saħħa nnifsu għal oqsma bħall-metodi ta' produzzjoni, l-istil ta' ħajja, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-ħarsien ta' l-ambjent, eċċ. Dan jimplika għażliet soċjali, ekonomiċi u etiċi li għalhekk ma jistgħux ikunu r-responsabbiltà unika tal-professjonisti tas-saħħa.

Brussell, is-26 ta' Settembru 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea, testi adottati mill-Kunsill ta' l-Ewropa, liġi Franċiża nru. 2002-2003 ta' l-4 ta' Marzu 2002.


15.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 10/72


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-promozzjoni tal-produttività sostenibbli fuq il-post tax-xogħol fl-Ewropa”

(2008/C 10/19)

Nhar is-16 ta' Frar 2007, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 29(2) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni proprja dwar Il-promozzjoni tal-produttività sostenibbli fuq il-post tax-xogħol fl-Ewropa.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-17 ta' Lulju 2007. Ir-rapporteur kienet is-Sinjura Kurki.

Matul l-438 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-26 u s-27 ta' Settembru 2007 (seduta tas-26 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'155 vot favur, l-ebda vot kontra u 9 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Flimkien mal-muturi tradizzjonali ta' l-iżvilupp ekonomiku (tkabbir tal-forza tax-xogħol, investiment f'mezzi tal-produzzjoni, żieda fil-livelli ta' l-edukazzjoni) jeħtieġ li jinħolqu elementi ġodda li jkunu kapaċi jiġġeneraw żvilupp sostenibbli. Fl-ewwel lok, għandu jkun hemm żieda fl-iżvilupp tal-produttività fir-rigward tal-livelli attwali. Fit-tieni lok, għandhom jinstabu modi sabiex għallinqas jitwaqqaf it-tnaqqis fil-provvista tax-xogħol. Fit-tielet lok, jeħtieg li d-dinja tax-xogħol issir iktar attraenti.

1.2

Il-Kumitat jemmen li huwa l-kompitu ta' l-Unjoni Ewropea li tagħti appoġġ lill-Istati Membri kollha u lill-kumpaniji fl-isforzi tagħhom li jżidu l-produttività sostenibbli, li hija komponent essenzjali ta' l-Istrateġija ta' Lisbona. Għandha ssir promozzjoni b'mod attiv ta' l-idea li l-innovazzjonijiet kwalitattivi u soċjali mwettqa fuq il-post tax-xogħol għandhom impatt prinċipali fuq is-suċċess tan-negozji. Il-Kumitat jipproponi li dan l-aspett jitqies bħala parti mill-evalwazzjoni u mir-riforma tal-Linji Gwida dwar l-Ekonomija u l-Impjiegi.

1.3

Il-Kumitat jirrepeti l-proposta tiegħu li jitfassal indiċi Ewropew li jiddeskrivi l-kwalità tal-ħajja fuq il-post tax-xogħol. L-indiċi għandu jinbena fuq kriterji ta' “xogħol ta' kwalità” ibbażati fuq ir-riċerka, u għandu jkun miġbur u ppubblikat b'mod regolari. Indiċi bħal dan jista' jintuża sabiex jinxteħet dawl fuq il-bidliet u t-titjib fil-kwalità tal-ħajja fuq il-post tax-xogħol fl-Ewropa u l-effetti fuq il-produttività. Fl-istess ħin iservi bħala bażi għal inizjattivi ġodda relatati mat-titjib tal-kwalità tal-ħajja fuq il-post tax-xogħol.

1.4

L-iżvilupp ta' indiċi Ewropew dwar il-kwalità tax-xogħol jeħtieġ il-ħolqien ta' forum wiesa'. Il-kompetenza rikka u varjata li għandu l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rigward l-isfidi tat-tibdil fid-dinja tax-xogħol, u s-soluzzjonijiet li jridu jinstabu, isservi bħala bażi tajba għal forum bħal dan. L-Osservatorju tas-Suq tax-Xogħol jista' janalizza din il-kwistjoni jekk il-programm ta' ħidma tiegħu jippermetti.

1.5

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tikkummissjona aktar studji dwar ir-relazzjoni bejn il-kwalità tal-ħajja fuq il-post tax-xogħol u l-produttività. Hemm bżonn ta' analiżi iktar fil-fond tal-fatturi li jikkontribwixxu għall-produttività sostenibbli. F'din il-ħidma, l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri ta' l-UE jistgħu jagħmlu użu aħjar mix-xogħol ta' riċerka u ta' analiżi li twettaq mill-Fondazzjoni Ewropea bbażata f'Dublin għal Titjib fil-Kondizzjonijiet ta' l-Għajxien u tax-Xogħol u mill-Aġenzija Ewropea bbażata f'Bilbao għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol.

1.6

Il-Kumitat jemmen li jkun utli li ssir enfasi fuq l-innovazzjoni fuq il-post tax-xogħol u fuq tipi ġodda ta' ħiliet professjonali u prattiċi tal-ġestjoni f'inizjattivi ta' l-UE dwar l-innovazzjoni u t-taħriġ (per eżempju l-Programm Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni, programmi ta' Fondi Strutturali, il-Programm Integrat ta' Tagħlim Tul il-Ħajja). F'dan ir-rigward, l-imsieħba soċjali għandhom responsabbiltà prinċipali fit-tħejjija, fl-implimentazzjoni u fl-evalwazzjoni tal-proġetti.

1.7

Il-Kumitat jipproponi li l-Istati Membri jimplimentaw programmi li jippromovu l-kwalità u l-produttività tax-xogħol bħala parti mill-programmi tagħhom ta' l-impjiegi u l-politika tagħhom dwar l-innovazzjoni. Bosta pajjiżi għandhom ċentri nazzjonali għall-produttività u ċentri ta' ħidma għar-riċerka li jistgħu jieħdu sehem f'inizjattivi bħal dawn. L-imsieħba soċjali għandhom sehem ewlieni hawnhekk fl-ippjanar tal-proġetti u fit-twettiq prattiku tagħhom.

1.8

Huwa essenzjali li d-diskuzzjonijiet u l-inizjattivi konkreti dwar il-produttività sostenibbli jitkomplew fil-fora differenti ta' l-Ewropa, fl-Istati Membri u fil-kumpaniji. Il-Kumitat jista' jagħti kontribut importanti f'dan il-proċess billi jippreżenta l-fehmiet tas-soċjetà ċivili dwar is-suġġett, b'mod partikolari bħala parti mill-opinjonijiet tiegħu dwar il-politika ekonomika, ta' l-impjiegi u ta' l-innovazzjoni.

2.   Introduzzjoni

2.1

Żvilupp ekonomiku sostenibbli u rata għolja ta' l-impjiegi huma essenzjali għall-prosperità fl-Ewropa. L-għan ta' l-UE huwa li tassigura “l-iżvilupp sostenibbli ta' l-Ewropa mibni fuq it-tkabbir ekonomiku bilanċjat, l-istabbiltà tal-prezzijiet, ekonomija soċjali tas-suq b'kompetittività għolja, u jimmiraw li kulħadd jaħdem għall-progress soċjali, b'livell għoli ta' protezzjoni u ta' titjib tal-kwalità ta' l-ambjent” (1). Dan jista' jinkiseb billi jiżdied l-iżvilupp tal-produttività mil-livelli attwali fis-setturi kollha ta' l-ekonomija (2). It-tkabbir tal-produttività jżid il-benesseri taċ-ċittadini meta jkun ibbażat fuq it-titjib tal-kwalità tal-ħajja fuq il-post tax-xogħol u fuq it-tkabbir ta' l-għadd ta' l-impjiegi. It-tkabbir sostenibbli tal-produttività joffri mod għall-assigurazzjoni tal-finanzi pubbliċi u l-provvista sostenibbli tas-servizzi soċjali u l-kura tas-saħħa għal popolazzjoni li qiegħda tixjiħ. Fl-istess ħin jinħolqu impjiegi ġodda u ta' kwalità. Għaldaqstant, l-iżvilupp tal-produttività sostenibbli jagħti appoġġ lill-għanijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali ta' l-Istrateġija ta' Lisbona.

2.2

Il-produttività tax-xogħol kibret b'mod stabbli fl-Ewropa fil-perijodu ta' wara l-gwerra. Anki fl-aħħar tas-snin sittin, ir-rata ta' tkabbir medju tal-produttività tax-xogħol kienet ta' madwar 5 % għal kull siegħa ta' xogħol. Mis-snin tmenin 'il quddiem, it-tkabbir tal-produttività tax-xogħol beda jonqos, u r-rata ta' żvilupp annwali ammontat biss għal madwar 2 % fil-bidu ta' l-2000. Bidliet fiċ-ċifri tal-produttività ta' l-Istati Membri ta' l-UE fis-snin riċenti jistgħu jitfissru minn bosta fatturi li jaġixxu f'direzzjonijiet differenti. It-tkabbir medju tal-produttività tax-xogħol fl-Ewropa tjieb permezz tas-sħubija ta' Stati Membri ġodda, fejn il-livell tal-bidu tal-produttività huwa inqas milli kien fl-Istati Membri l-qodma. Madankollu, mill-1995, fl-Ewropa kien hemm żieda fl-għadd ta' l-impjiegi ta' produttività baxxa. Dawn jinkludu impjiegi b'pagi baxxi fis-settur tas-servizz li ma jirrikjedux kwalifiki professjonali għoljin, kif ukoll bosta impjiegi fejn il-persuni jitqabbdu fuq kuntratti atipiċi. Din it-tendenza kkontribwixxiet għal żvilupp iktar bil-mod tal-produttività (3).

2.3

Fil-manifattura, it-tkabbir tal-produttività kien aktar rapidu f'industriji bażati fuq it-teknoloġija. Is-sehem ta' dawn l-industriji fil-manifattura totali huwa żgħir, u l-Kummissjoni temmen li dan huwa sintomatiku tal-problemi potenzjali. Iktar ma jkun kbir is-sehem tagħhom f'termini ta' valur miżjud, iktar dawn jikkontribwixxu għall-produttività u għat-tkattir tad-dħul reali f'ekonomija. Dawn l-industriji huwa mexxejja b'mod invarjabbli fl-innovazzjoni, fil-modernizzazzjoni u fit-tixrid ta' teknoloġiji ġodda, inkluż bejn il-fruntieri (4).

2.4

Tkabbir dgħajjef tal-produttività dawn l-aħħar snin fis-settur tas-servizzi privati u pubbliċi jikkostitwixxi biċ-ċar problema serja. Madankollu, wieħed għandu jżomm f'moħħu li huwa iktar diffiċli, jekk mhux impossibbli, li titkejjel il-produttività f'dan is-settur bl-użu ta' l-istess indikaturi bħal fil-manifattura. Minkejja l-fatt li innovazzjonijiet ta' tipi varji, bħall-użu ta' applikazzjonijiet ta' l-ICT, żdiedu fis-servizzi, dan ma rriżultax fi tkabbir tal-produttività fl-istatistika dwar il-produttività. B'mod tipiku, l-innovazzjonijiet f'dan is-settur jiġu introdotti permezz ta' teknoloġija miksuba (ICT, bidliet fl-organizzazzjoni u l-kapital uman) iktar milli permezz ta' nfiq dirett fir-Riċerka u Żvilupp minn ditti tas-servizz innfushom (5). Għaldaqstant, it-twettiq ta' kalkoli mekkaniċi f'paraguni tal-produttività jista' jwassal għal konklużjonijiet ħżiena, sakemm ma jitqiesx il-kontenut attwali ta' setturi differenti. Dan japplika wkoll għas-servizzi pubbliċi, fejn il-miri ta' l-iżvilupp tal-produttività jridu jqisu wkoll l-għanijiet tal-politika soċjali u pubblika kif ukoll il-ħtieġa li tkun iggarantita klima li twassal għall-innovazzjoni u t-tkabbir tal-produttività.

2.5

It-titjib ta' l-impjiegi u ż-żieda tal-produttività m'humiex esklussivi b'mod reċiproku. Għall-kuntrarju, flimkien isaħħu l-objettivi ta' l-Istrateġija ta' Lisbona, relatati maż-żieda ta' l-għadd ta' l-impjiegi ta' kwalità aħjar. Skond l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, l-impjiegi produttivi huma s-sies ta' xogħol diċenti (6). L-iżvilupp tal-produttività sostenibbli u rata ta' l-impjiegi li kulma tmur qiegħda togħla huma mod fis-sod għat-tnaqqis tas-sehem ta' xogħol mhux iddikjarat fl-ekonomija.

2.6

L-istruttura ta' l-ekonomiji ta' l-UE qiegħda tinbidel u teżisti tendenza dejjem tiżdied ta' enfasi fuq il-kapital uman aktar milli fuq il-kapital fiżiku. Skond il-Kummissjoni, id-domanda għax-xogħol fl-UE diġà nbidlet, bi preferenza ta' persunal bi kwalifiki għoljin minn persunal li għandu kompetenzi tradizzjonali. Dan jirrifletti bidliet fil-kontenut ta' l-impjiegi nnfushom iktar milli bidliet fl-allokazzjoni settorjali ta' l-impjiegi. Bejn l-1995 u l-2000, il-ħolqien ta' l-impjiegi f'setturi li jiżviluppaw b'pass mgħaġġel u li huma intensivi f'termini ta' għarfien kien responsabbli għal iktar minn żewġ terzi ta' l-impjiegi ġodda kollha bi kwalifiki għoljin u medji, u għal proporzjon kbir ħafna ta' impjiegi ġodda bi kwalifiki baxxi (7). Is-servizzi tan-negozju, b'mod partikolari, żiedu l-forzi tax-xogħol tagħhom u ser ikollhom sehem ewlieni fil-ġejjieni fil-provvista ta' impjiegi ġodda u fl-ikkumpensar għal telf ta' impjiegi u fir-razzjonalizzazzjoni f'industriji tal-manifattura (8).

2.7

Għall-individwu, it-tkabbir tal-produttività jfisser li l-impjiegi jkunu iktar stabbli u li l-ħaddiema jkollhom opportunitajiet aħjar sabiex jagħmlu progress f'xogħolhom u sabiex jiksbu dħul aħjar. Dan itejjeb il-kwalifiki tal-ħaddiema u jsaħħaħ il-ħila tagħhom ta' impjieg f'ambjent li kulma jmur qiegħed jinbidel.

2.8

Għall-kumpaniji, huwa kruċjali li jżidu l-produttività tagħhom, il-muftieħ għall-kompetittività tagħhom. Filwaqt li s-swieq dinjin jiddeterminaw il-biċċa l-kbira tal-prezzijiet u l-produttività ma tistax tiżdied b'mod indefinit minn investiment tradizzjonali fil-makkinarju u fit-tagħmir, hemm il-ħtieġa li jintużaw mezzi oħrajn. Għall-kumpaniji, it-tkabbir tal-produttività jfisser li l-ispejjeż jiżdiedu iktar bil-mod, il-kompetittività tal-prezzijiet u l-ammont ta' ħaddiema b'paga jitjiebu, l-impjiegi jkunu iktar siguri (u għaldaqstant iktar mixtieqa), il-kompiti u l-organizzazzjoni jevolvu, jinkiseb iktar valur miżjud għall-klijenti b'inqas riżorsi, jittejjeb il-profitt, isiru possibbli l-iżvilupp u s-sopravivenza fis-suq, u titħejja t-triq għall-investiment u l-iżvilupp ta' attivitajiet.

2.9

It-tkabbir ekonomiku fl-Ewropa b'mod tradizzjonali ddependa fuq l-iżvilupp tal-forza tax-xogħol, il-livell ta' investiment f'mezzi ta' produzzjoni u titjib fil-livelli ta' l-edukazzjoni. Issa dan il-mudell m'għadux jiffunzjona kif suppost. Il-provvista tax-xogħol m'għadhiex qiegħda tiżdied iżda minflok qiegħda tonqos. Il-kumpaniji huma inqas ħerqana minn qabel li jinvestu fil-kapital fiżiku. Ix-xogħol inbidel minn wieħed intensiv f'termini ta' xogħol għal wieħed intensiv f'termini ta' kapital, u l-kapital uman qiegħed isir iktar u iktar importanti. Ix-xogħol manwali bi ftit kwalifiki qiegħed iċedi dejjem aktar postu għal xogħol (ta' għarfien) minn esperti li jeħtieġ taħriġ speċjali. Investiment f'taħriġ bażiku biss m'għadux jikseb qligħ kbir mill-produttività bħal qabel.

2.10

It-tkabbir ekonomiku f'xi Stati Membri żdied ukoll permezz ta' l-introduzzjoni ta' miżuri fiskali (eż. tnaqqis fit-taxxi relatati man-negozju u mal-pagi ta' l-impjegati) u żieda fil-konsum privat (eż. l-politika tar-rata ta' l-imgħax, it-tassazzjoni). Madankollu, l-għan għall-użu ta' dawn il-fatturi tat-tkabbir huwa limitat u għandhom ikunu evalwati mill-perspettiva kemm tal-kompetizzjoni tat-taxxa kif ukoll tal-manutenzjoni ta' l-infrastruttura pubblika.

2.11

Barra mill-fatturi tat-tkabbir imsemmija hawn fuq, teżisti l-ħtieġa li jinħolqu elementi ġodda li jiġġeneraw it-tkabbir. Fatturi mhux tanġibbli ta' suċċess daħlu f'dan ix-xenarju flimkien ma' oħrajn tanġibbli, b'mod partikolari l-ħila tal-maniġment li jimmotiva lill-ħaddiema u li jagħmel użu mill-ħiliet tagħhom.

2.11.1

Fl-ewwel lok għandu jiżdied it-tkabbir tal-produttività ta' l-intrapriżi meta mqabbel mal-livelli preżenti. Dan isejjaħ għal adozzjoni ta' politiki mfasslin għall-ħolqien ta' ambjent favorevoli għat-tkabbir sostenibbli ta' l-intrapriżi u għall-inovazzjoni u sabiex jiżguraw kompetizzjoni ġusta. Dan huwa l-uniku mod sabiex jiżdied id-daqs ġenerali tal-firxa ekonomika.

2.11.2

Fit-tieni lok, għandhom jinstabu modi sabiex għallinqas jitwaqqaf it-tnaqqis fil-provvista tax-xogħol. Bosta Stati Membri ser jitilfu 15 % mill-forza tax-xogħol tagħhom fl-għaxar snin li ġejjin. Ir-rati ta' l-impjieg għandhom jinżammu għoljin permezz ta' politika iktar effettiva fir-rigward tal-ħaddiema, l-immigrazzjoni u l-integrazzjoni ta' ħaddiema tas-sengħa, miżuri għar-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u tal-familja u miżuri dwar il-ġeneru, u permezz ta' riforma tas-sistemi tal-pensjonijiet. Li l-ħaddiema jingħataw għajnuna sabiex ilaħħqu mal-problemi fuq il-post tax-xogħol u li jżommu l-motivazzjonijiet tax-xogħol tagħhom huma modi ewlenin li jwasslu lil persuni sabiex jipposponu l-irtirar tagħhom.

2.11.3

Fit-tielet lok, id-dinja tax-xogħol teħtieġ li ssir iktar attraenti. Għadd kbir ta' persuni attivi jagħmlu parti mill-grupp ta' età bejn l-40 u l-54 sena, u dan jippreżenta sfida ekonomika konsiderevoli. Fl-istess ħin, huwa ta' importanza suprema li ż-żgħażagħ ma jitħallewx joħorġu mill-iskola u jsiru parti mill-ħajja tax-xogħol. Għandhom jittejbu l-kwalità tax-xogħol u d-disponibbiltà ta' forza tax-xogħol kwalifikata sabiex jiġu sfruttati l-benefiċċji ta' teknoloġija ġdida, innovazzjoni u attivitajiet ta' riċerka u żvilupp.

2.12

Il-Kunsill Ewropew b'mod konsistenti enfasizza l-ħtieġa ta' investiment sabiex tittejjeb il-kwalità tax-xogħol, notevolment bl-għajnuna ta' indikaturi tal-kwalità (9). Matul il-Presidenza Finlandiża ta' l-UE tnieda dibattitu dwar l-importanza tal-produttività għall-Istrateġija ta' Lisbona. Il-Finlandja talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew sabiex iħejji Opinjoni dwar Il-kwalità tal-ħajja fuq il-post tax-xogħol, il-produttività u l-impjieg fil-kuntest tal-globalizzazzjoni u l-isfidi demografiċi  (10). Il-Kumitat adotta l-Opinjoni tiegħu f'Settembru 2006.

2.13

Il-Presidenza Ġermaniża ta' l-UE kompliet id-dibattitu dwar il-kwalità ta' ħajja fuq il-post tax-xogħol. It-tema ta' “xogħol ta' kwalità” jagħti xejra prattika lill-objettiv ta' l-Istrateġija ta' Lisbona sabiex jinħolqu iktar impjiegi ta' kwalità tajba (11). Fil-laqgħa informali tal-ministri għall-impjieg u l-ministri għall-affarijiet soċjali f'Berlin f'Jannar 2007, il-Ġermanja, il-Portugall u s-Slovenja flimkien enfasizzaw l-importanza ta' “xogħol ta' kwalità” fil-konklużjonijiet tagħhom (12). Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-8 u tad-9 ta' Marzu, il-Kunsill Ewropew enfasizza l-importanza ta' “xogħol ta' kwalità” għaż-żieda ta' l-impjiegi fl-Istati Membri u għar-rinfurzar tal-mudell soċjali Ewropew. Skond il-Kunsill, il-prinċipji li fuqhom jinbena “xogħol ta' kwalità” huma d-drittijiet u s-sehem tal-ħaddiema, l-opportunitajiet indaqs, is-sikurezza u l-ħarsien tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol u organizzazzjoni ta' xogħol li tissodisfa l-ħtiġijiet tal-familja (13).

2.14

Il-programmi fuq livell Ewropew iqisu, b'xi mod jew ieħor, l-iżvilupp tal-ħajja fuq il-post tax-xogħol u l-possibbiltà ta' postijiet tax-xogħol li jlaħħqu ma' l-isfidi sabiex jinbidlu. Sfortunatament, is-soltu joffru proposti separati biss, iktar milli punt ċentrali tal-bidu sabiex iservi ta' gwida għall-azzjoni. Barra minn hekk, il-koordinazzjoni bejn il-programmi hija waħda dgħajfa, tant li jekk isir xi progress fiha, jew fin-nuqqas tagħha, fil-qasam tal-produttività sostenibbli dan ma jintlemaħx.

2.15

Mistoqsija ewlenija hawnhekk hija kif it-tkabbir tal-produttività tal-kumpaniji jista' jiżdied b'tali mod li jagħti appoġġ lir-riżorsi individwali u kollettivi tal-ħaddiema filwaqt li fl-istess ħin jgħinhom sabiex iżommu l-ħila tagħhom tax-xogħol u jibqgħu motivati sabiex jaħdmu fil-preżenza ta' kondizzjonijiet li qegħdin jinbidlu.

3.   Tkabbir tal-produttività sostenibbli bħala fattur sabiex jinkiseb suċċess

3.1

Meta wieħed janalizza l-produttività u l-impjiegi, huwa importanti li ssir distinzjoni bejn l-impatt fuq perijodu qasir u fuq perijodu fit-tul. Fil-perijodu qasir, jista' jkun hemm korrelazzjoni negattiva bejn it-tkabbir tal-produttività u l-impjieg. Il-bidla strutturali fl-industrija tidher li żżid it-tkabbir medju tal-produttività tax-xogħol iżda li tnaqqas ir-rata ta' l-impjieg (14). F'dawn iċ-ċirkostanzi, huwa meħtieġ sforz sostanzjali tal-politika dwar is-suq tax-xogħol minħabba li ċerti ħaddiema għandhom kwalifiki li għaddha żmienhom u bħala riżultat ta' dan jisfaw bla xogħol. Għamliet ġodda ta' protezzjoni kontra s-sensji u qgħad huma meħtieġa sabiex il-kompetenzi u l-kapaċitajiet ta' kemm jista' jkun ħaddiema possibbli jkunu jistgħu jintużaw b'mod flessibbli. Fl-Opinjoni tiegħu dwar il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjieg, il-KESE jagħmel bosta rakkomandazzjonijiet għat-tisħiħ ta' l-effikaċja ta' miżuri politiċi (15).

3.2

Fil-perijodu fit-tul, huwa possibbli li r-rata ta' l-impjieg tiżdied permezz ta' l-iżvilupp tal-produttività tax-xogħol. B'mod partikolari, l-impatt konġunt tat-teknoloġija u ċerti komponenti tal-kwalità tax-xogħol jiġġeneraw l-iżvilupp, li jżid l-impjiegi u jgħolli r-rata ta' l-impjieg. Madankollu, dan ma jseħħx b'mod awtomatiku; iktar minn hekk jiddependi fuq il-ħila ta' l-industrija li żżid l-intensità ta' żvilupp tax-xogħol u li żżid it-tkabbir tal-produttività fuq perijodu fit-tul, li huma marbutin kemm mal-kwalità fix-xogħol kif ukoll mas-sodisfazzjon tal-ħaddiem lejn l-impjieg (16).

3.3

Jeżistu bosta modi li bihom kumpaniji jistgħu jiksbu t-tkabbir tal-produttività. B'mod partikolari xi kumpaniji kwotati fil-borża jevalwaw il-kompetittività fuq il-perijodu qasir fuq il-bażi tal-qligħ u l-ispejjeż ta' kull tliet xhur. Il-metodu ta' “profitti ta' malajr” huwa evidenti fuq il-post tax-xogħol minħabba n-nuqqas ta' investiment produttiv u ma tingħata ebda attenzjoni lill-ħiliet jew lill-abbiltà fix-xogħol tal-ħaddiema. F'xi każijiet, il-kumpaniji m'għandhomx il-ħila finanzjarja li jieħdu azzjoni bħal din. Barra minn hekk, il-kondizzjonijiet ta' l-impjieg u tal-ħlas ta' sikwit jiġu stabbiliti skond ħtiġiet minimi, b'konsegwenzi soċjali serji għall-perijodu fit-tul. Dan it-tip ta' metodu huwa ta' periklu għall-kompetittività globali ta' l-Ewropa. L-Ewropa ma tistax tirbaħ lill-kompetituri tagħha permezz ta' taħlita ta' xogħol ta' produttività baxxa, kondizzjonijiet ħżiena tax-xogħol u paga baxxa.

3.4

B'mod tradizzjonali, l-effiċjenza tal-kapaċità ta' produzzjoni ttejbet permezz tal-modernizzazzjoni tal-kondizzjonijiet ta' produzzjoni u l-iżvilupp ta' organizzazzjonijiet ta' produzzjoni sabiex tintlaħaq aħjar id-domanda. Sar investiment fil-makkinarju u fit-tagħmir. Bħala riżultat ta' dan, il-livell ġenerali tal-produttività għola. Il-produttività tista' tiżdied fi stadji żgħar permezz ta' teknika ta' razzjonalizzazzjoni u ta' titjib u bl-iżvilupp ta' prodotti u servizzi permezz ta' l-applikazzjoni ta' metodi ta' produzzjoni iktar effiċjenti. Madankollu, dan m'huwiex possibbli jekk il-kooperazzjoni fuq il-post tax-xogħol ma tiffunzjonax b'mod effettiv, il-ħaddiema ma jkunux motivati li jaħdmu jew jeżistu nuqqasijiet fl-ambjent tax-xogħol li jfixklu l-attività professjonali.

3.5

Sabiex jinżamm it-tkabbir ekonomiku, hemm il-ħtieġa ta' riformi strutturali iktar fil-fond. Il-produttività tista' tiżdied malajr permezz ta' bidla strateġika f'daqqa fejn kumpanija torganizza mill-ġdid kompletament il-mod li bih tiffunzjona u billi tagħmel hekk tkun qiegħda tagħmel użu minn mod ġdid ta' żvilupp. F'dak il-każ, impjiegi li jeħtieġu kwalifiki qodma jisparixxu b'mod inevitabbli, iżda fl-istess ħin jinħolqu impjiegi ġodda, li ta' sikwit ikunu aħjar f'termini ta' kwalità. L-intrapriżi li jbiddlu lilhom infushom joħolqu prodotti ġodda u katini ta' valuri ġodda. Il-fatturi ewlenin f'dan il-proċess huma l-veloċità, l-innovazzjoni, il-ħila ta' bidla u l-involviment tal-ħaddiema fil-proċess. Il-Kumitat u l-Kummissjoni Konsultattiva tiegħu dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI) huma involuti b'mod attiv fl-analiżi tal-bidla strutturali, ta' proċessi ta' innovazzjoni u ta' l-użu tat-teknoloġija (17). Il-Kumitat enfasizza l-importanza ta' flessibiltà funzjonali interna fil-promozzjoni ta' proċessi ta' innovazzjoni (18).

3.6

Huwa interessanti li wieħed jeżamina l-produttività bħala aspett tal-prestazzjoni ta' kumpanija. Il-prestazzjoni tista' tinqasam f'aspetti interni u esterni. Il-prestazzjoni esterna tkejjel il-ħila tal-kumpanija li ttemm xogħol fl-ambjent tal-madwar. Madankollu, il-produttività tidher l-iktar b'mod ċar bħala karatteristika interna ta' kumpanija, u wkoll waħda li hija assoċjata ma' individwu, magna jew ċellula ta' produzzjoni partikolari (19).

3.7

L-aspetti interni tal-prestazzjoni ta' kumpanija huma l-innovazzjoni u l-produttività, li l-prerekwiżiti għalihom huma l-kompetenzi u l-għarfien, is-sodisfazzjon tal-ħaddiema, l-attitudni pożittiva għall-bidla u t-teknoloġija. Minn dawn isegwu l-kwalità u l-effikaċja f'termini ta' valur. L-aspetti esterni huma l-kompetittività, is-sodisfazzjon tal-klijenti u s-sehem tas-suq, li minnhom isegwu l-likwidità, il-profitt u s-solvibilità (ara l-Figura 1).

Figure 1: Aspects of company performance and how they interlink

Image

3.8

L-aspetti differenti tal-prestazzjoni jaffettwaw lil xulxin b'mod “spirali”. Per eżempju, it-tkabbir tal-produttività jwassal għal tnaqqis fl-ispejjeż għal kull unità, li bis-saħħa tagħhom tittejjeb il-kompetittività tal-kumpanija. Dan ifisser li l-kumpanija tikseb suċċess fis-suq u li l-profitt ikompli jiżdied. Bħala konsegwenza, il-kumpanija takkumula rikkezzi li jistgħu jintefqu fuq affarijiet bħal taħriġ, mezzi ta' produzzjoni u għodod ta' appoġġ fl-immaniġġjar, fi kliem ieħor għal titjib tal-prerekwiżiti għall-produttività. Dan tista' ssir referenza għalih bħala mod “spirali” 'il fuq tal-produttività. Bl-istess mod, huwa possibbli li jitfisser proċess li jwassal għal mod “spirali” 'l isfel tal-produttività.

3.9

Għaldaqstant il-produttività sostenibbli hija kunċett aktar vast mis-sempliċi kejl tal-produttività jew l-analiżi tal-produttività tax-xogħol. Fuq livell ta' kumpanija, il-produttività hija indikatur ta' kemm kumpanija tista' tgħaqqad b'suċċess fatturi differenti ta' produzzjoni għat-titjib ta' l-effiċjenza u ssir kompetittiva fis-suq. Il-produttività sostenibbli tkopri mhux biss l-ambjent fiżiku tax-xogħol iżda wkoll l-ambjent psikosoċjali tax-xogħol, li minnu jirriżultaw l-effiċjenza, il-kreattività u l-innovazzjoni (20).

3.10

L-innovazzjoni ta' kumpanija u tal-ħaddiema tagħha hija riflessa fil-ħila li jkunu żviluppati jew imġeddin kunċetti ta' prodotti u servizzi sabiex joħolqu valur miżjud għall-klijenti. L-innovazzjoni hija wkoll il-ħila li wieħed itejjeb b'mod kontinwu l-proċessi ta' tħaddim, ta' produzzjoni u ta' distribuzzjoni flimkien mal-ħaddiema u l-imsieħba. Għaldaqstant, l-innovazzjoni tista' tkun għodda, biċċa tagħmir, magna, taħlita ta' dawn, mudell ta' servizz, mod ġdid ta' twettiq ta' biċċa xogħol qadima, jew soluzzjoni differenti għall-problemi. Il-ħila li wieħed jgħaddi minn bidla hija element ewlieni tal-produttività.

3.11

L-organizzazzjonijiet jistgħu jiġu kklassifikati f'kategoriji differenti ta' żvilupp fuq il-bażi tal-ħila innovattiva tagħhom. L-organizzazzjonijiet jistgħu kuxjentement jiżviluppaw il-kapaċità innovattiva tagħhom u jgħaddu minn livell għal ieħor permezz tat-tagħlim. Iktar ma organizzazzjoni tapplika prattiki avvanzati fl-attività tagħha ta' innovazzjoni, iktar ikollha ħila aħjar sabiex timplimenta innovazzjonijiet (21).

3.12

Żieda fil-produttività sostenibbli tfisser li kumpaniji u organizzazzjonijiet iħejju għar-riskju tal-ġejjieni billi jantiċipaw bidliet u jadattaw malajr u b'mod flessibbli għall-bidliet. F'dawn il-kumpaniji kulħadd huwa impenjat fl-iżvilupp kontinwu tal-ħiliet u ta' l-għarfien, il-benesseri tal-ħaddiema jingħata attenzjoni partikolari u l-ħaddiema jkollhom sehem attiv fit-teħid ta' deċiżjonijiet, l-iktar f'deċiżjonijiet li jaffettwaw ix-xogħol li jagħmlu. Il-ħaddiema huma lesti u determinati li jagħtu l-kontribut tagħhom u li jagħmlu l-kompetenzi tagħhom disponibbli sabiex il-kumpanija tikseb iktar suċċess. L-immaniġġjar huwa bbażat fuq rikonoxximent u kooperazzjoni reċiproċi, u mhux fuq pożizzjoni ta' dominanza fir-rigward tal-ħaddiema. Il-maniġers għandhom il-ħila li jaħdmu fi sħubija mal-klijenti, man-netwerk tan-negozju fis-settur tal-kumpanija u maċ-ċentri ta' riċerka.

3.13

Kwistjoni ewlenija għall-ġejjieni f'rabta mat-tkabbir tal-produttività u l-intensifikazzjoni tagħha hija l-ħila ta' postijiet tax-xogħol li jfasslu u jadottaw innovazzjonijiet teknoloġiċi u innovazzjonijiet tan-negozju, ta' l-organizzazzjoni u dawk soċjali fil-ħajja tal-post tax-xogħol li jikkomplementawhom. It-tkabbir tal-produttività miksub b'dan il-mod huwa sostenibbli. Jinfluwenza it-tkabbir ekonomiku permezz ta' żewġ modi: permezz tat-titjib tal-produttività fuq perijodu fit-tul ta' postijiet tax-xogħol/kumpaniji u permezz taż-żieda tal-provvista tax-xogħol, hekk kif jiżdiedu l-opportunitajiet u x-xewqa tal-ħaddiema li jibqgħu kemm jistgħu fil-ħajja professjonali.

4.   Produttività sostenibbli fuq il-post tax-xogħol

4.1

Studju mill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (22) jagħti ħarsa aktar mill-qrib lejn ir-rabta bejn il-kwalità ta' l-ambjent fuq il-post tax-xogħol u l-produttività. Konklużjoni ewlenija tar-riċerka hija li, fil-kondizzjonijiet attwali ta' kompettitività ogħla, is-suċċess ta' kumpanija ma jistax jitkejjel aktar f'termini ta' l-indikaturi tan-negozju biss.

4.2

Skond l-istudju, is-sodisfazzjon tal-klijent, it-twettiq ta' l-aħjar relazzjonijiet fi ħdan il-kumpanija, il-kapaċità innovattiva u l-flessibbilità fl-istrutturi ta' l-organizzazzjoni huma fatturi li qegħdin isiru dejjem aktar importanti. Il-konklużjonijiet tar-riċerka juru li hemm rabta mill-qrib bejn il-kondizzjonijiet tax-xogħol tajba u l-ħidma fin-negozju ta' kumpanija. Il-kwalità ta' l-ambjent tax-xogħol għandu influwenza qawwija fuq il-produttività u l-qligħ.

4.3

It-tkabbir tal-produttività fl-Ewropa fl-aħħar snin bl-ebda mod ma jista' jkun deskritt bħala sostenibbli b'mod ċar f'termini kwalitattivi. It-tagħrif u l-prattiki mwettqa fi ħdan l-kumpaniji sabiex itejbu l-kwalità ta' l-ambjent tax-xogħol u jidentifikaw l-effetti pożittivi tiegħu għandhom limitati. Skond l-istudju mill-Fondazzjoni Ewropea għal Titjib fil-Kondizzjonijiet ta' l-Għajxien u x-Xogħol, ma kien hemm l-ebda tibdil prinċipali fil-kwalità tax-xogħol lejn naħa jew oħra, meta wieħed iqis kollox (23). L-analiżi u t-tqabbil tal-kondizzjonijiet fl-Istati Membri juru li s-sodisfazzjon fuq il-post tax-xogħol huwa marbut mas-sigurtà ta' l-impjieg, l-ambjent pożittiv fuq il-post tax-xogħol, u opportunitajiet tajba sabiex wieħed jitgħallem u jikber fuq il-post tax-xogħol. In-natura tax-xogħol innifsu qiegħda tinbidel, b'pass aktar mgħaġġel milli kien mistenni, u qiegħda ssir aktar ibbażata fuq it-tagħrif u t-teknoloġija u qiegħda tiżviluppa orjentazzjoni akbar lejn il-klijent.

4.4

L-istudju jkompli juri li sar ftit wisq progress sabiex ix-xogħol jersaq qrib il-ħajja fil-familja. L-arranġamenti flessibbli fil-ħin tax-xogħol marbutin mal-ħtiġijiet ta' l-individwu ma nfirxux. Għalkemm is-saħħa fuq il-post tax-xogħol tal-ħaddiema Ewropej tjiebet, 35 % tal-ħaddiema għadhom iqisu li s-saħħa u s-sigurtà tagħhom huma mhedda minħabba x-xogħol li jwettqu. L-intensità tax-xogħol qiegħda tiżdied, b'għadd dejjem jiżdied ta' ħaddiema li jaħdmu b'ritmu mgħaġġel u bi skadenzi stretti ħafna. Għalkemm it-twettiq tax-xogħol jeħtieġ l-awtonomija, il-livelli ta' l-awtonomija m'humiex qegħdin jiżdiedu. L-akbar għadd ta' ħaddiema jsibu x-xogħol tagħhom interessanti u jħossu li joffri sfidi ġodda. L-aċċess għat-taħriġ fuq il-post tax-xogħol ma tjiebx u huwa diffiċli b'mod partikulari għall-ħaddiema li huma akbar fl-età u inqas ikkwalifikati. Waħda mill-bidliet l-aktar importanti fuq il-post tax-xogħol hija l-użu li dejjem qiegħed jiżdied tat-teknoloġija ta' l-informazzjoni (24).

4.5

Fil-ġejjieni, in-nuqqas ta' ħaddiema tas-sengħa jista' jxekkel it-tkabbir tal-produttività. Madankollu, tajjeb li wieħed jiftakar li l-impjiegi tal-ġejjieni u l-ħiliet li jeħtieġu ser ikunu differenti minn dawk ta' llum. Barra minn hekk, modi ġodda ta' l-organizzazzjoni tax-xogħol u l-applikazzjoni aktar effettivia tat-teknoloġija ser tnaqqas l-ammont tax-xogħol meħtieġ. Ħafna kumpaniji qegħdin jaħdmu f'nisġiet mifruxa madwar l-Ewropa u l-ċaqliq tal-ħaddiema bejn l-Istati Membri qiegħed jiżdied. Għal din ir-raġuni, il-Kumitat issuġerixxa li, minkejja d-differenzi fl-oqsma edukattivi tagħhom, l-Istati Membri jridu jaħsbu dwarhom infushom li jagħmlu parti minn “żona ta' taħriġ” Ewropea u jagħrfu li hemm dimensjoni Ewropea għall-iżvilupp tal-ħajja fuq il-post tax-xogħol (25).

4.6

Għaldaqstant hemm il-ħtieġa li jkunu eżaminati aktar mill-qrib liema ħiliet u tagħrif ser ikunu meħtieġa fil-ħajja fuq il-post tax-xogħol fil-ġejjieni, kemm fis-setturi ta' l-impjiegi pubbliċi kemm dawk privati, kif ukoll kif il-kwalità tal-ħajja fuq il-post tax-xogħol u l-aspetti produttivi jistgħu jkunu inkorporati fl-edukazzjoni u t-taħriġ. Strutturi tal-gradi u l-kwalifiki, il-kontenut tal-kurrikula u l-metodi tat-tagħlim, u l-miri tat-tagħlim tul il-ħajja għandhom ikunu ppjanati u mwettqa fuq din il-bażi. Huwa importanti li tkun assigurata l-possibbiltà finanzjarja li wieħed jieħu sehem fl-edukazzjoni u t-taħriġ. L-imsieħba soċjali għandhom rwol kruċjali x'iwettqu fid-diskussjoni dwar dawn is-suġġetti u l-miżuri tat-twettiq. L-imsieħba soċjali Ewropew wettqu sisien tajba billi evalwaw l-aspetti ewlenin tat-tagħlim tul il-ħajja u l-prattiċi nazzjonali (26).

4.7

Ta' spiss in-nuqqas ta' ħiliet ma jkunx f'oqsma fejn il-ħiliet jistgħu jitkejlu. Barra l-ħiliet bażiċi, il-ħiliet ewlenin fil-post tax-xogħol tal-ġejjieni ser ikunu per eżempju l-ħiliet interattivi, l-awto-immaniġġjar, il-ħila li titgħallem u li tikseb tagħrif ġdid, il-mod kif tnissel l-essenzjali minn ġemgħa kumplessa ta' tagħrif, u l-ħiliet meħtieġa sabiex wieħed jaħdem f'postijiet tax-xogħol multi-kulturali u f'netwerks. F'dan it-tip ta' ambjent, iż-żgħażagħ li jitilqu kmieni mill-iskola jew b'nuqqas ta' tagħrif adegwat joħolqu sfida partikolari.

4.8

Fl-immaniġġjar tan-negozju, in-nuqqas ta' ħiliet jinstabu b'mod partikulari fl-oqsma tal-ħiliet strateġiċi tan-negozju u l-immaniġġjar innovattiv. L-immaniġġjar tar-riżorsi umani għandu jitqies bħala aspett strateġiku tal-maniġment. Dawn il-ħiliet jistgħu jservu bħala tip ta' stimulu ġdid għat-tkabbir ekonomiku.

5.   Promozzjoni tal-produttività sostenibbli

5.1   Il-politika u l-miżuri prattiċi

5.1.1

L-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u l-kumpaniji kbar b'netwerk ta' sottokuntratturi għandhom il-kapaċità li jwieżnu l-potenzjal għas-suċċess offrut mit-tkabbir tal-produttività sostenibbli. Benefiċjarji oħra huma l-organizzazzjonijiet li jagħtu servizz fis-settur pubbliku u t-tielet settur li jeħtieġu u jridu jkabbru l-produttività tagħhom b'mod sostenibbli u kwalitattiv u jassiguraw li jkomplu jsibu għad-dispożizzjoni tagħhom ħaddiema ta' kwalità għolja u professjonali.

5.1.2

It-tkabbir tal-produttività sostenibbli jista' jitħeġġeġ bl-adozzjoni ta' miżuri ta' politika li jimmiraw lejn is-soċjetà kollha, kumpaniji u organizzazzjonijiet pubbliċi, postijiet tax-xogħol u individwi. Minħabba l-firxa wiesgħa tagħhom, il-bidliet soċjali relatati ma' per eżempju t-taħriġ, ir-relazzjonijiet industrijali, il-miżuri sabiex jirrikonċiljaw ix-xogħol mal-familja, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, il-kura tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol, it-taħriġ vokazzjonali, l-adattament mill-ġdid tal-professjoni, il-benefiċċji tal-pensjoni, jew l-opportunitajiet ta' l-irtirar, huma importanti fuq perijodu fit-tul. Il-leġiżlazzjoni tista' tintuża sabiex jiġu stimulati proġetti tajba. B'kuntrast, it-titjib fix-xogħol fil-livell ta' l-individwu għandu impatt mgħaġġel imma waħdu m'huwiex biżżejjed u l-impatt ġenerali fuq il-post tax-xogħol jista' jkun żgħir ħafna.

5.1.3

Il-mod l-aktar enerġetiku sabiex jiġi sostnut tkabbir sostenibbli tal-produttività huwa billi jiġu promossi l-prattiċi u l-proċeduri tal-kumpanija u dawk applikati fil-post tax-xogħol b'mod li jagħtu appoġġ aħjar u jseddqu r-riżorsi tal-ħaddiem individwali, ir-riżorsi tal-post tax-xogħol u l-ħiliet innovattivi. L-imsieħba soċjali għadhom rwol speċjali x'iwettqu f'dan ir-rigward.

5.1.3.1

Fil-livell Ewropew, l-imsieħba soċjali qablu, fil-programm tax-xogħol ġdid tagħhom għall-2006-2008, li jagħmlu analiżi konġunta ta' l-isfidi ewlenin li għandhom quddiemhom is-swieq tax-xogħol Ewropej (inkluiżi suġġetti bħall-promozzjoni tat-tagħlim tul il-ħajja, il-kompetittività u l-innovazzjoni) (27). Fil-livell nazzjonali, per eżempju, l-organizzazzjonijiet ċentrali ta' l-imsieħba soċjali Finlandiżi waqqfu Grupp ta' Diskussjoni dwar il-Produttività fil-bidu ta' l-2007 bil-għan li jippromovu l-produttività, il-kwalità tal-ħajja fuq il-post tax-xogħol u l-kooperazzjoni fil-qasam tal-produttività. Il-membri tal-grupp ta' diskussjoni huma r-rappreżentanti tal-l-ogħla korpi eżekuttivi mill-organizzazzjoni ċentrali kollha tas-sidien u tal-ħaddiema. F'xi Stati Membri l-imsieħba soċjali jwettqu ħidma attiva fil-programmi nazzjonali ta' l-iżvilupp ta' l-intrapriżi. Studji tajba dwar każi partikulari jistgħu jinstabu fl-Istati Membri kollha (28).

5.1.4

F'xi każijiet, il-bidliet fil-leġiżlazzjoni relatati mal-ħarsien ambjentali nisslu l-bżonn ta' innovazzjoni. Per eżempju, il-projbizzjoni ta' l-użu ta' l-asbestos nisslet il-ħtieġa li jinħolqu teknoloġiji sabiex jieħdulu postu, regolamenti aktar stretti dwar il-ħoss nisslu l-iżvilupp ta' tagħmir tekniku b'livelli baxxi ta' l-emissjoni tal-ħoss, ħtiġijiet tat-teknoloġija ta' l-enerġija wasslu għall-introduzzjoni ta' tagħmir ġdid u l-ħtiġijiet ta' l-iżolazzjoni tal-bini wasslu għall-iżvilupp ta' materjali ġodda. Għaldaqstant il-leġiżlazzjoni appoġġjat l-isforzi ta' l-industrija nnifisha u inkoraġġiet l-innovazzjoni.

5.1.5

L-Istati Membri adottaw strumenti ekonomiċi differenti sabiex itejbu l-kwalità tal-kondizzjonijiet tax-xogħol jew sabiex jappoġġjaw lill-kumpaniji sabiex jinvestu f'mudelli innovattivi ta' l-organizzazzjoni tax-xogħol. Fost l-istrumenti użati hemm l-għajnuna pubblika u s-sussidji u l-iffinanzjar pubbliku (self vantaġġjuż mill-banek). Bħala eżempju, wieħed jista' jsemmi l-Istrateġija Nazzjonali ta' l-Irlanda dwar il-Post tax-Xogħol, l-Inizjattiva Ġdida dwar il-Kwalità tax-Xogħol imnedija mill-Ġermanja u l-Programm ta' Żvilupp tal-Post tax-Xogħol tal-Finlandja, li taw importanza kbira lill-inizjattiva tal-gvern u l-iffinanzjar pubbliku (29). Il-vantaġġ kbir ta' programmi bħal dawn huwa li x-xogħol ta' żvilupp iseħħ fuq il-postijiet tax-xogħol. Kruċjali għall-programmi huwa l-impenn qawwi għalihom fil-livell politiku u l-motivazzjoni tal-ħaddiema sabiex jieħdu sehem fil-proġetti ta' żvilupp.

5.2   Indiċi Ewropew dwar il-kwalità tax-xogħol

5.2.1

Sabiex l-Ewropa tkun kapaċi twieġeb għall-isfidi tal-globalizzazzjoni u twettaq b'suċċess l-objettivi ta' l-Istrateġija ta' Lisbona, huwa importanti li jiġi segwit it-titjib fil-kwalità tax-xogħol fl-Istati Membri u fil-livell Ewropew u r-rabtiet tiegħu mat-tkabbir tal-produttività. Għaldaqstant, il-KESE aktar kmieni ssuġerixxa li għal dan il-għan kien meħtieġ indiċi Ewropew li jkejjel il-kwalità tax-xogħol. L-indiċi ser ikun żviluppat bl-applikazzjoni ta' kriterji differenti għal “xogħol ta' kwalità” fuq il-bażi ta' l-istudji rilevanti, u ser ikun miġbur u ppubblikat b'mod regolari (30). Indiċi bħal dan jista' jgħin sabiex jgħolli l-profil tal-bidliet u l-progress u l-effetti tagħhom fuq il-produttività, u fl-istess ħin jifforma l-bażi għal inizjattivi ġodda sabiex titjieb il-kwalità tal-ħajja fuq il-post tax-xogħol. Fil-preżent, il-kwalità tax-xogħol u l-produttività huma analizzati b'modi differenti u organizzazzjonijiet differenti qegħdin jiżviluppaw l-indikaturi tagħhom infushom b'mod indipendenti minn xulxin. L-indiċi Ewropew il-ġdid jista' jinkorpora elementi minn dawn l-indikaturi.

5.2.1.1

B'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill, fl-2003 twettqet evalwazzjoni tal-progress imwettaq mill-Istati Membri bl-użu ta' sett ta' indikaturi mibnija fuq għaxar dimensjonijiet tal-kwalità tax-xogħol. Minkejja xi progressi, xorta hemm lok għal titjib konsiderevoli. B'mod partikulari, ir-riżultati fit-tkabbir tal-produttività kienu diżappuntanti. Il-konklużjoni kienet li kien hemm il-ħtieġa għal ħidma tal-politika aktar determinata, b'mod speċjali rigward it-tħeġġiġ tal-kumpaniji fit-taħriġ u fl-appoġġ għall-ħila tax-xogħol ta' ħaddiema li qegħdin jikbru fl-età (31).

5.2.1.2

Skond il-Fondazzjoni Ewropea għal Titjib fil-Kondizzjonijiet ta' l-Għajxien u x-Xogħol (il-Fondazzjoni ta' Dublin), il-kumpaniji u l-postijiet tax-xogħol innovattivi huma kkaratterizzati mill-libertà li wieħed jitgħallem u s-sens ta' awtonomija fuq il-post tax-xogħol, il-ħidma bħala tim, il-possibbiltà li jkun hemm rotazzjoni tal-postijiet tax-xogħol u l-multi-skilling. Għaldaqstant fattur ewlieni jikkonsisti fit-tisħiħ tal-ħiliet tal-ħaddiema u li huma jingħataw il-kapaċità li jkunu involuti b'mod attiv fl-iżvilupp tal-proċessi tal-produzzjoni. Barra minn hekk, fir-rebbiegħa 2007, il-Fondazzjoni nediet riċerka ġdida estensiva dwar ir-rabtiet bejn l-innovazzjoni, il-produttività u l-impjiegi li mistenni ddum tliet snin. L-ewwel stadju huwa relatat mal-ġabra tar-riċerka li diġà teżisti dwar is-suġġett sabiex ikun hemm preparazzjoni għaż-żieda tad-dimensjoni tal-produttività u tal-prestazzjoni fl-Istħarriġ dwar il-Kumpaniji Ewropew li ser isir mill-Fondazzjoni fl-2008. Il-Fondazzjoni hija wkoll attivament involuta fl-iżvilupp ta' indiċi ġdid tal-kwalità tax-xogħol (32).

5.2.1.3

Studji mill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol dwar l-importanza tal-kwalità tax-xogħol għall-produttività juru biċ-ċar li hemm rabta mill-qrib bejn il-kwalità ta' l-ambjent tax-xogħol, il-produttività u l-ħidma tan-negozju. L-Aġenzija tikkonkludi li, jekk ir-riskji assoċjati mas-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol ma jkunux studjati fid-dettall fuq il-post tax-xogħol, jew jekk ma jsir xejn sabiex jinstab tarf tagħħom, ikun impossibbli li jinkisbu l-miri tal-produttività (33). Il-kampanja Ewropea ta' din is-sena dwar it-titjib ta' l-għarfien tiffoka fuq il-prevenzjoni ta' problemi muskoloskeletali (MSDs). L-għan huwa wkoll li jiġu identifikati prattiki tajbin għar-rijabilitazzjoni tal-persuni li għandhom dan it-tip ta' problemi. Diġà għaddejjin il-preparazzjonijiet għall-Ġimgħa Ewropea 2008 li ser tiffoka fuq il-valutazzjoni tar-riskji relatati mal-post tax-xogħol.

5.2.1.4

Il-programm ta' żvilupp tal-post tax-xogħol imniedi mill-Presidenza Ġermaniża jinkludi proġett ta' riċerka li għandu l-għan li jiddefinixxi b'mod aktar preċiż x'għandna nifhmu b'“xogħol ta' kwalità.” Il-programm jinkludi wkoll indiċi żviluppat mill-Assoċjazzjoni tar-Trejdunjins Ġermaniżi (DGB) għall-evalwazzjoni tal-kwalità ta' l-impjiegi. L-indiċi huwa bbażat fuq il-valutazzjonijiet tal-ħaddiema nfushom, billi jivvalutaw ix-xogħol tagħhom skond 15-il kriterju. L-għan huwa li l-indiċi jkun ikkalkulat kull sena, u l-ewwel riżultati ser ikun disponibbli fil-Ħarifa ta' l-2007 (34).

5.2.2

L-iżvilupp ta' indiċi Ewropew tal-kwalità tax-xogħol jeħtieġ il-ħolqien ta' forum wiesa'. Il-kompetenza rikka u varjata li għandu l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rigward l-isfidi tat-tibdil fid-dinja tax-xogħol, u s-soluzzjonijiet li jridu jinstabu, isservi bħala bażi tajba għal forum bħal dan. L-Osservatorju tas-Suq tax-Xogħol jista' janalizza din il-kwistjoni jekk il-programm ta' ħidma tiegħu jippermetti.

Brussell, is-26 ta' Settembru 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa, Artikolu I-3(3).

(2)  Il-produttività tista' titkejjel f'livelli differenti: per eżempju, ekonomija nazzjonali (livell makro), settur ekonomiku (manifattura, ICT), intrapriża/organizzazzjoni tax-xogħol/unità ta' xogħol, persunal/grupp professjonali, individwu. Il-produttività globali hija l-parti tat-tkabbir tal-produzzjoni li ma tistax tiġi spjegata minn żieda fin-numru tal-fatturi “tradizzjonali” ta' produzzjoni (xogħol, kapital, materji prima, enerġija). Iż-żieda tal-produttività hija r-riżultat ta' l-iżvilupp teknoloġiku, tat-taħriġ tal-ħaddiema, ta' l-iżvilupp ta' l-organizzazzjonijiet jew tat-tibdil li sar fil-metodi ta' ġestjoni u ta' produzzjoni.

(3)  Ir-rapport tal-grupp ta' ħidma tal-Kumitat ta' l-Impjieg “Enhancing higher productivity and more and better jobs, including for people at the margins of the labour market”, EMCO/18/171006/EN-final, 2006.

URL: http://ec.europa.eu/employment_social/employment_strategy/pdf/emco_workgroupprod06_en.pdf.

(4)  Kommunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew — Produttività: il-muftieħ tal-kompetittività ta' l-ekonomiji u intrapriżi Ewropej, COM(2002) 262 finali.

(5)  Ara n-nota tal-qiegħ nru 4.

(6)  Rapport dwar l-impjieg fid-dinja 2004-2005, ILO.

URL http://www.ilo.org/public/english/employment/strat/wer2004.htm.

(7)  Kommunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew — Produttività: il-muftieħ tal-kompetittività ta' l-ekonomiji u intrapriżi Ewropej, COM(2002) 262 finali.

(8)  Opinjoni tal-KESE tat-13 ta' Settembru 2006 dwar Is-Servizzi u l-industrija tal-manifattura fl-Ewropa: Interazzjonijiet u impatti fuq l-impjieg, il-kompetittività u l-produttività, rapporteur: is-Sur Calleja (ĠU C 318, 23.12.2006, p. 26).

URL: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:C:2006:318:0026:0037:ES:PDF.

(9)  Il-Kunsill Ewropew ta' Lisbona tat-23 u l-24 ta' Marzu 2000 stabbilixxa l-objettiv ġenerali ta' impjieg totali permezz tal-ħolqien ta' impjiegi aktar numerużi, iżda wkoll ta' kwalità aħjar.

Il-Kunsill Ewropew ta' Nizza (2000) fil-konklużjonijiet tiegħu enfasizza l-bżonn li jitpoġġa enfasi fuq l-oqsma kollha tal-politika soċjali dwar il-promozzjoni tal-kwalità.

Il-Kunsill Ewropew ta' Stokkolma (2001) enfasizza li l-kisba mill-ġdid ta' impjegar totali tfisser li huwa importanti li l-azzjonijiet ikunu bbażati fuq titjib mhux biss kwantitattiv iżda wkoll kwalitattiv ta' l-impjiegi. Sejjaħ sabiex il-kwalità ta' l-impjieg tiġi inkluża bħala objettiv ġenerali fil-linji gwida għall-impjieg ta' l-2002 u sabiex jitħejjew indikaturi kwantitattivi preċiżi.

Il-Kunsill Ewropew ta' Laeken (2001) innota li l-kwalità ta' l-impjieg huwa kunċett multidimensjonali u li l-indikaturi rakkomandati mill-Kumitat ta' l-impjieg huma bbażati fuq għaxar oqsma ppreżentati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni. Sejjaħ sabiex dawn jiġu inklużi, wara l-2002, fl-Istrateġija Ewropea għall-Impjieg. Ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Titjib tal-kwalità ta' l-impjieg: analiżi tal-progress riċenti, COM(2003) 728 finali.

(10)  L-opinjoni tal-KESE tat-13 ta' Settembru 2006 dwar Il-kwalità ta' ħajja fuq il-post tax-xogħol, il-produttività u l-impjieg fil-kuntest tal-globalizzazzjoni u l-isfidi demografiċi, rapporteur: is-Sinjura Engelen-Kefer (ĠU C 318, 23.12.2006, p. 157).

URL: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:C:2006:318:0157:0162:EN:PDF.

(11)  Il-prijoritajiet politiċi tal-Ministeru Federali tax-Xogħol u ta' l-Affarijiet Soċjali matul il-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill ta' l-UE fl-ewwel nofs ta' l-2007.

URL:http://www.london.diplo.de/Vertretung/london/en/03/News__and__features/EU__Presidency/Political__priorities__FULL__DownloadDatei,property=Daten.pdf.

(12)  Il-konklużjonijiet taċ-Chairman imfasslin f'koperazzjoni maż-żewġ presidenzi li ġejjin, il-Portugall u s-Slovenja.

URL: http://www.eu2007.de/en/News/Press_Releases/January/0119BMAS1.html.

(13)  Il-Kunsill Ewropew ta' Brussell tat-8/9 ta' Marzu 2007 — Konklużjonijiet tal-Presidenza. Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea 7224/07.

URL:http://www.consilium.europa.eu/cms3_applications/applications/newsroom/LoadDocument.asp?directory=en/ec/&filename=93140.pdf.

(14)  Ir-rapport tal-grupp ta' ħidma tal-Kumitat għall-Impjiegi Enhancing higher productivity and more and better jobs, including for people at the margins of the labour market, EMCO/18/171006/EN-final, 2006.

(15)  L-opinjoni tal-KESE tal-25 ta' April 2007 dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji ta' gwida għall-Politika ta' l-Impjieg ta' l-Istati Membri, rapporteur: is-Sinjura O'Neill (ĠU C 168, 20.7.2007, p. 477).

http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/site/mt/oj/2007/c_168/c_16820070720mt00470049.pdf.

(16)  Ara nota fil-qiegħ tal-paġna nru 15.

(17)  Opinjoni tal-KESE tal-25 ta' Settembru 2003 dwar Il-Bidla industrijali:is-sitwazzjoni attwali u l-prospettivi, rapporteur: is-Sur Van Iersel, ko-rapporteur: is-Sur Varea Nieto (ĠU C 10, 14.1.2004, p. 105).

http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:C:2004:010:0105:0113:EN:PDF.

Opinjoni tal-KESE tad-29 ta' Settembru 2005 dwar Id-Djalogu soċjali u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema, essenzjali għall-antiċipazzjoni u l-ġestjoni tal-bidla industrijali, rapporteur: is-Sur Zöhrer (ĠU C 24, 31.1.2006, p. 90).

http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:C:2006:024:0090:0094:EN:PDF

Opinjoni tal-KESE ta' l-14 ta' Diċembru 2005 dwar Il-Komunikazzjoni tal-KummissjoniStrutturar mill-ġdid u l-impjiegil-istrutturar mill-ġdid jiġi antiċipat u akkumpanjat sabiex jiġu żviluppati l-impjiegi: ir-rwol ta' l-Unjoni Ewropea, rapporteur: is-Sur Zöhrer, ko-rapporteur: is-Sur Soury-Lavergne (ĠÙ C 65, 17.3.2006, p. 58).

http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:C:2006:065:0058:0062:EN:PDF.

Opinjoni tal-KESE ta' l-14 ta' Settembru 2006 dwar L-iżvilupp sostenibbli bħala l-mutur għall-bidliet industrijali, rapporteur: is-Sur Siecker, ko-rapporteur: is-Sur Činčera (ĠU C 318, tat-23.12.2006, p. 1).

http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:C:2006:318:0001:0011:EN:PDF.

(18)  Opinjoni tal-KESE tal-11 ta' Lulju 2007 dwar Il-flessigurtà (id-dimensjoni ta' flessibiltà internain-negozjar kollettiv u r-rwol tad-djalogu soċjali bħala strumenti ta' regolamentazzjoni u r-riforma tas-swieq tax-xogħol), rapporteur: is-Sur Janson.

http://eescopinions.eesc.europa.eu/viewdoc.aspx?doc=//esppub1/esp_public/ces/soc/soc272/mt/ces999-2007_ac_mt.doc.

(19)  Rantanen, Hannu. Tuottavuus suorituskyvyn analysoinnin kentässä. L-Università tat-Teknoloġija ta' Lappeenranta, it-Taqsima ta' Lahti ta' l-2005.

(20)  Professur Mika Hannula, l-Università tat-Teknoloġija ta' Tampere, lekċer, 29 ta' Jannar 2004.

(21)  Bessant, John (2003): High-Involvement Innovation (tradott fil-Finlandiż minn Tuomo Alasoini). Il-ħila innovattiva għandha tmien dimensjonijiet:

fehim fl-organizzazzjoni ta' l-importanza strateġika ta' l-attività ta' innovazzjoni li twassal għall-involviment ta' persuni u li hija bbażata fuq stadji żgħar (fehim)

l-organizzazzjoni għandha proċeduri li jippermettu lil persuni li jieħdu sehem fl-attività innovattiva ta' l-organizzazzjoni (li ssir drawwa)

l-attività ta' innovazzjoni ta' l-organizzazzjoni hija mmirata lejn l-għanijiet strateġiċi ta' l-organizzazzjoni (iffukar)

il-maniġment ta' l-organizzazzjoni jipprovdi gwida u appoġġ xierqa għall-attività ta' innovazzjoni ta' l-organizzazzjoni (gwida)

l-istrutturi, il-prattiki u l-proċessi ta' l-organizzazzjoni huma ddisinjati b'tali mod li jkun hemm l-aħjar relazzjoni possibbli ta' appoġġ b'mod reċiproku bejniethom u l-attività ta' innovazzjoni u l-valuri li jiggwidaw lil din ta' l-aħħar (allinjar)

fis-sejbien ta' soluzzjonijiet għal problemi, jeżisti netwerking bejn taqsimiet fi ħdan l-organizzazzjoni u barra l-organizzazzjoni (sejbien ta' soluzzjonijiet għal problemi b'mod komuni)

l-effiċjenza mtejba ppreżentata lill-organizzazzjoni minn innovazzjonijiet hija mmonitorjata, evalwata u żviluppata b'mod kostanti (titjib kontinwu tas-sistema)

l-organizzazzjoni għandha l-ħila li titgħallem b'mod kontinwu u b'mod komprensiv mill-esperjenzi tagħha (l-organizzazzjoni li titgħallem).

(22)  Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol: Il-Kwalità ta' l-Ambjent fuq il-Post tax-xogħol u l-Produttività — Dokument ta' Ħidma (2004).

URL: http://osha.eu.int/publications/reports/211/quality_productivity_en.pdf.

(23)  Fondazzjoni Ewropea għal Titjib fil-Kondizzjonijiet ta' l-Għajxien u x-Xogħol: Ir-Raba' Studju Ewropew dwar il-Kondizzjonijiet tax-Xogħol (2005).

URL: http://www.eurofound.europa.eu/publications/htmlfiles/ef0698.htm.

(24)  Ara nota fil-qiegħ tal-paġna nru 23.

(25)  Opinjoni tal-KESE tat-28 ta' Ottubru 2004 dwar It-Taħriġ u l-Produttività, rapporteur: is-Sur Koryfidis (ĠU C 120, 20.5.2005, p. 64).

http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:C:2005:120:0064:0075:ES:PDF.

(26)  Qafas ta' azzjonijiet għall-iżvilupp tul il-ħajja tal-kompetenzi u l-kwalifiki, Rapport Evalwattiv 2006/ETUC, UNICE, CEEP.

(27)  Il-programm ta' ħidma ta' l-imsieħba soċjali Ewropej 2006-2008.

URL: http://www.etuc.org/IMG/pdf/Depliant_EN_HD2006-2008.pdf.

(28)  Per eżempju, fis-seduta li saret mill-grupp ta' studju fl-10 ta' Mejju 2007, is-Sur Santo Portera, direttur finanzjarju tal-kumpanija Maltija STMicroelectronics, spjega kif il-kumpanija wieġbet b'suċċess għall-isfidi tal-globalizzazzjoni billi poġġiet enfasi fuq standards etiċi għoljin fil-ħidmiet tagħha, assigurat u tejbet il-ħiliet tal-ħaddiema, ambjent tajjeb fuq ix-xogħol u organizzazzjoni tax-xogħol, u seddqet l-innovazzjoni.

(29)  L-Irlanda: www.workplacestrategy.ie, Cathal O'Reagan, fis-seduta li saret fl-10 ta' Mejju 2007.

http://inqa.de, Kai Schäfer, rappreżentant tal-gvern Ġermaniż u l-Presidenza Ġermaniża, fis-seduta li saret fl-10 ta' Mejju 2007.

http://www.mol.fi/mol/en/01_ministry/05_tykes/index.jsp.

(30)  Ara n-nota fil-qiegħ tal-paġna.nru 10.

(31)  Ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Titjib tal-kwalità ta' l-impjieg: analiżi tal-progress riċenti, COM(2003) 728 finali.

(32)  www.eurofound.europa.eu; Radoslaw Owczarzak, EMCC, fis-seduta li nżammet fl-10 ta' Mejju 2007.

(33)  www.osha.europa.eu; Brenda O'Brien, fis-seduta li nżammet fl-10 ta' Mejju 2007.

(34)  http://inqa.de; Kai Schäfer, rappreżentant tal-gvern Ġermaniż u l-Presidenza Ġermaniża, fis-seduta li saret fl-10 ta' Mejju 2007.


15.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 10/80


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Indikaturi armonizzati fil-qasam tad-diżabilità bħala strument għall-monitoraġġ tal-politiki Ewropej”

(2008/C 10/20)

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew irċieva ittra, datata t-13 ta' Frar 2007, mill-Presidenza futura Portugiża li titlob l-opinjoni tiegħu dwar l- Indikaturi armonizzati fil-qasam tad-diżabilità bħala strument għall-monitoraġġ tal-politiki Ewropej.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-17 ta' Lulju 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Joost.

Matul l-438 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-26 u fis-27 ta' Settembru 2007 (seduta tas-26 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adottat din l-opinjoni b'160 vot favur, l-ebda vot kontra u sitt astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jemmen li l-adozzjoni ta' pjan ta' direzzjoni simili għal dak li ġie adottat fil-qasam ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi, bl-iżvilupp ta' numru ta' indikaturi u objettivi kwantitattivi li għandhom jinkisbu mill-Istati Membri f'numru ta' oqsma miftehma ta' prijorità, ikun il-pass it-tajjeb sabiex nimxu 'l quddiem u jsir progress sabiex l-opportunitajiet indaqs isiru realtà għall-persuni b'diżabilità.

1.2

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jiffukaw fuq il-ġbir ta' numru ta' indikaturi li huma affidabbli u koerenti, kif ukoll ta' objettivi kwantitattivi għal kull qasam ta' statistika u objettivi politiċi identifikati, li kull Stat Membru huwa obbligat li jwettaq f'limitu ta' żmien. L-attentati preċedenti għal statistika msemmija aktar 'il quddiem fid-dokument ma ġewx rikonoxxuti fuq livell Ewropew u m'humiex indikatur permanenti li jista' jitkejjel fuq bażi regolari, per eżempju, fl-indikaturi ta' l-inklużjoni soċjali. Dan ir-rikonoxximent u kejl sistematiku huwa neċessarju għal kwalunke politika koerenti.

1.3

Il-KESE jsejjaħ lill-Grupp ta' Livell Għoli dwar id-Diżabilità sabiex jadotta lista ta' prijoritajiet għall-ġbir ta' data bażata fuq grupp prinċipali ta' indikaturi li diġà jeżistu fil-lista ISTAT (1), li trid tiġi aġġornata.

1.4

L-Istati Membri jridu jkomplu bl-isforzi tagħhom sabiex jiġbru data dwar id-diżabilità bażata fuq stħarriġiet, li għandha tiġi ppubblikata fuq bażi regolari, per eżempju kull sentejn. Għandu jitkompla x-xogħol fuq id-definizzjoni fuq livell internazzjonali mal-Grupp ta' Washington.

1.5

L-Istħarriġ Ewropew dwar il-Forza tax-Xogħol għandu jevalwa l-progress miskub fuq bażi aktar regolari. Il-Kumitati dwar il-Protezzjoni Soċjali u l-Impjieg jistgħu, fil-futur, jinkludu grupp ta' indikaturi li jkunu sistematikament mistħarrġa, għall-kuntrarju ta' inizjattivi indipendenti li jsiru darba biss.

1.6

Għalhekk, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tinkludi fl-istħarriġiet ta' l-Eurostat modulu koerenti dwar id-diżabilità li jinkludi l-elementi msemmija hawn fuq, b'rapporti regolari sabiex ikun possibbli li ssir valutazzjoni tajba tal-politiki, kif ukoll identifikazzjoni tal-prijoritajiet.

1.7

L-organizzazzjonijiet tal-persuni b'diżabilità fl-Istati Membri għandhom ikunu involuti fil-ħidma sabiex jiġu stabbiliti indikaturi prijoritarji għall-Istat Membru individwali ikkonċernat. L-approvazzjoni ta' indikaturi armonizzati u l-ġabra ta' data ser jippermettu l-iskambju bejn l-Istati Memrbi tas-soluzzjonijiet ta' l-aħjar prattika, peress li l-effikaċja ta' l-inizjattivi użati tista' titkejjel.

2.   Introduzzjoni

2.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa' t-talba tal-Presidenza Portugiża sabiex titħejja opinjoni dwar Indikaturi armonizzati fil-qasam tad-diżabilità. Il-Presidenza Portugiża hija determinata li tagħti kontribut sabiex l-Unjoni Ewropea tkun tista' tikseb data affidabbli u komparabbli ħalli tkun tista' tanalizza l-inklużjoni tal-persuni b'diżabilità.

2.2

Il-persuni b'diżabilità jirrappreżentaw aktar minn 15 % tal-popolazzjoni totali — ċifra li qiegħda togħla aktar ma l-popolazzjoni tixjieħ. Dan ifisser illi, fl-UE wara t-tkabbir, aktar minn 50 miljun ruħ għandhom diżabilità (2). L-istħarriġ SILC ta' l-2005 ma jikkunsidrax tfal b'diżabilità, persuni kbar fl-età, jew persuni b'diżabilità li jgħixu f'istituzzjonijiet.

2.3

Sabiex id-drittijiet soċjali — inkluż il-moviment ħieles tal-persuni — li huma rikonoxxuti mit-Trattati u mill-Karta Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, isiru realtà għall-persuni b'diżabilità, il-politiki u s-sitwazzjonijiet iridu jiġu analizzati u mqabbla fuq bażi komuni fl-Istati Membri kollha. Dan huwa l-ewwel pass lejn it-tħejjija u l-implimentazzjoni ta' politiki li jippermettu lill-persuni b'diżabilità jgawdu l-istess drittijiet bħall-persuni mingħajr diżabilità.

2.4

Hemm diversi indikaturi li jkejlu l-progress ta' l-Istati Membri fl-inklużjoni fis-soċjetà tal-persuni b'diżabilità: aċċessibilità ta' l-ambjent mibni, parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, aċċess għall-edukazzjoni, il-kultura, l-aċċessibilità elettronika, fost oħrajn. Huwa importanti ħafna li l-azzjonijiet meħuda mill-Istati Membri f'dan il-qasam u l-impatt tagħhom ikunu jistgħu jiġu analizzati.

3.   Nuqqas ta' koerenza bejn l-istrumenti eżistenti legali u politiċi

3.1

Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità, li ġiet adottata reċentement, tidentifika ħafna bżonnijiet urġenti għall-promozzjoni ta' l-integrazzjoni sistematika tal-kwistjonijiet ta' diżabilità. L-Istati Membri ta' l-UE għandhom iħaddnu dawn il-prinċipji billi jirratifikaw il-Konvenzjoni kemm jista' jkun malajr. Sabiex tkun konformi ma' l-objettivi u l-prinċipji tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, li l-Kummissjoni ffirmat, l-UE trid tadotta politiki adattati. Il-pajjiżi kollha flimkien ma' l-UE għandhom jitħeġġu sabiex jiffirmaw il-protokoll fakultattiv li jagħmel parti mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità.

3.2

Il-Pjan Ewropew ta' Azzjoni dwar id-Diżabilità (3) jistabbilixxi l-għanijiet ambizzjużi li tinkiseb l-applikazzjoni totali tad-Direttiva dwar it-Trattament Ugwali fl-Impjieg u l-Okkupazzjoni (2000/78/KE), isaħħaħ l-integrazzjoni sistematika tal-kwistjonijiet dwar id-diżabilità fil-politiki rilevanti Komunitarji, u jtejjeb l-aċċessibilità għal kulħadd. Sabiex jinkisbu dawn l-objettivi, il-progress irid jitkejjel permezz ta' indikaturi li, għal kull prijorità politika, jevalwaw il-progress miksub f'kull Stat Membru u jippermettu d-definizzjoni ta' objettivi li jitkejlu.

3.3

Id-Direttiva 2000/78 KE adottata f'Novembru 2000 tipprojbixxi d-diskriminazzjoni kontra l-persuni b'diżabilità fil-qasam ta' l-impjieg u t-taħriġ professjonali. Il-valutazzjoni ta' l-implimentazzjoni tagħha mill-Istati Membri, lil hinn mill-problema ta' traspożizzjoni legali, madankollu hija problematika, peress li l-ebda data ta' paragun li hija disponibbli ma tippermetti l-kejl taż-żjieda fil-livelli ta' impjieg tal-persuni b'diżabilità hekk kif il-liġi tiġi implimentata f'kull Stat Membru.

3.4

Il-Pjan ta' Azzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar il-parteċipazzjoni totali tal-persuni b'diżabilità jistabbilixxi numru ta' għanijiet konkreti f'diversi oqsma relatati mas-soċjetà u mal-politika, li japplikaw għas-46 Stat Membru kollha u li jridu jiġu segwiti. Twaqqaf grupp ta' abbozzar sabiex jiżviluppa indikaturi li jkejlu l-progress.

3.5

L-Istrateġija ta' Lisbona stabbiliet objettivi ambizzjużi għall-UE, li jinkludu ż-żjieda fil-livelli ta' l-impjieg u t-tkabbir tal-koeżjoni soċjali. Dawn l-objettivi ma jistgħux jinkisbu mingħajr miżuri konkreti destinati li jneħħu l-ostakoli li jiffaċċjaw il-persuni b'diżabilità fl-aċċess għall-impjieg u għas-servizz sabiex tiġi permessa għalhekk l-integrazzjoni totali tagħhom fis-soċjetà.

3.6

Fl-oqsma kollha ta' politika li għandhom impatt fuq il-persuni b'diżabilità u li jistgħu jtejbu l-inklużjoni tagħhom fis-soċjetà u jiġi ffaċilitat l-aċċess tagħhom għad-drittijiet, hemm bżonn ta' indikaturi li jkejlu l-progress, kif ukoll sabiex jassiguraw fehma komprensiva tar-riżultati tal-miżuri differenti li jittieħdu fuq livell Ewropew. Irid ikun hemm evalwazzjoni tal-liġijiet eżistenti sabiex jiġu mmodifikati jew jittejbu.

4.   Il-bżonn għal numru ta' statistiċi affidabbli u paragunabbli

4.1   Sistemi eżistenti li jkejlu d-data

4.1.1

Il-KESE jiddispjaċih li hemm nuqqas ta' indikaturi fil-qasam tad-diżabilità, u b'mod aktar partikolari n-nuqqas ta' impenn politiku eżistenti fil-livell ta' l-UE għal qbil dwar indikaturi komuni għas-sostenn u l-valutazzjoni ta' politiki.

4.1.2

Il-KESE jinnota li l-Eurostat ħa r-responsabilità ta' diversi proġetti u inizjattivi interessanti interessanti li l-għan tagħhom huwa li jiżviluppaw ġabra regolari ta' data b'mod koordinat madwar l-Ewropa kollha dwar l-aspetti ta' diżabilità: il-modulu dwar is-saħħa fil-Panel tal-Komunità Ewropea dwar id-Djar għall-perijodu 1994-1996 inkluda modulu qasir dwar id-diżabilità li ġie ppubblikat fi ktejjeb; fl-2002, l-Istħarriġ Ewropew dwar il-Forza tax-Xogħol inkluda modulu dwar l-impjieg tal-persuni b'diżabilità sabiex tiġi pprovduta informazzjoni koordinata u armonizzata matul il-laqgħa tal-Grupp ta' Washington fid-Diviżjoni ta' l-Istatistika tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSD); l-Eurostat nieda l-proġett ta' Kejl Ewropew għad-Diżabilità (European Disability Measurement — EDM).

Fl-2002, id-Diretturi Ewropej ta' l-Istatistiċi Soċjali qablu fuq qafas għal ġabra regolari ta' data armonizzata permezz ta' stħarriġ u/jew moduli ta' stħarriġ dwar is-saħħa, imsejħa s-Sistema Ewropea għall-Istħarriġ dwar is-Saħħa. F'dan il-kuntest, fl-aħħar ta' l-2006, l-Istati Membri qablu dwar il-verżjoni finali ta' kwistjonarju ta' Stħarriġ Ewropew dwar is-Saħħa permezz ta' Intervista; li l-ewwel serje ser tinżamm bejn l-2007 u l-2009. L-Istħarriġ ta' Intervista dwar is-Saħħa Ewropea ser jinkludi mistoqsijiet dwar diversi aspetti tad-diżabilità. Id-diżabilità hija inkluża wkoll bħala varjabbli fl-Istatistiċi dwar id-Dħul u l-Kondizzjonijiet ta' Għixien (4).

Il-programm annwali ta' ħidma ta' l-Eurostat ta' l-2007 jinkludi attivitajiet fis-Sistema Ewropea ta' l-Istatistika (5) dwar aktar żvilupp ta' l-istatistiċi Komunitarji dwar id-diżabilità u l-inklużjoni soċjali sabiex tiġi pprovduta d-data rilevanti u paragunabbli bżonjuża sabiex tiġi mmonitorjata s-sitwazzjoni tal-persuni b'diżabilità, b'kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali. Sa nofs l-2008, modulu ġdid ta' stħarriġ dwar id-Diżabilità u l-Integrazzjoni Soċjali — issussidjat mill-Eurostat — għandu jkun lest għal implimentazzjoni, bħala test pilota, fl-Istati Membri.

Dan ix-xogħol kollu ta' żvilupp huwa bażat fuq il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Tħaddim, Diżabilità u Saħħa stabbilita mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

4.1.3

Fuq livell internazzjonali, l-Eurostat daħal fl-iżvilupp ta' miżuri globali dwar id-diżabilità, ibbażati fuq il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Funzjonament, Diżabilità u Saħħa mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, fi ħdan il-Grupp ta' Washington dwar l-Istatistiċi fuq id-Diżabilità (6). Il-Kunsill ta' l-Ewropa ppubblika gwida metodoloġika dwar kif għandhom jiġu żviluppati l-indikaturi soċjali dwar il-koeżjoni soċjali (7).

4.1.4

Il-proposta għal Regolament dwar l-istatistiċi Komunitarji dwar is-saħħa pubblika u dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol ser jagħtu qafas lill-attivitajiet futuri f'dan il-qasam. Ir-Regolament jista' jintuża għall-ġbir ta' data dwar id-diżabilità, li tbiddel is-sitwazzjoni fejn il-ġbir ta' data ssir mill-Istati Membri mingħajr bażi legali rilevanti.

4.2   Il-bżonn għal aktar indikaturi Ewropej

4.2.1

L-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti jiddikjara li l-pajjiżi jridu jiġbru informazzjoni adattata inkluż data statistika u ta' riċerka, li tippermettilhom jifformulaw u jimplimentaw politiki sabiex jagħtu effett lill-Konvenzjoni. Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex isegwu mill-qrib dak il-prinċipju.

4.2.2

Il-KESE jilqa' l-inizjattivi msemmija hawn fuq iżda ddispjaċih li hemm nuqqas ta' koerenza u ta' indikaturi politiċi maqbula li jiġbru dawk l-inizjattivi, sabiex tiġi analizzata s-sitwazzjoni tal-persuni b'diżabilità, jitkejjel l-impatt tal-politiki u tal-leġislazzjoni u sabiex jiġu evalwati l-bżonnijiet tagħhom.

4.2.3

L-indikaturi jridu jiġu stabbiliti sabiex ikejlu l-livelli ta' l-impjiegi, sabiex b'hekk ikun hemm fehim aħjar ta' liema kwistjonijiet iridu jiġu indirizzati, u sabiex jitfasslu politiki adattati. Il-Kunsill tar-Rebbiegħa 2006 tenna l-bżonn li jittieħdu miżuri adattati sabiex jiżdiedu l-livelli ta' impjieg tal-persuni b'diżabilità.

4.2.4

Tkun neċessarja l-evalwazzjoni ta' l-impatt tad-Direttiva Ewropea kontra d-Diskriminazzjoni u tal-leġislazzjoni fl-Istati Membri differenti, sabiex titfassal azzjoni politika u leġislattiva aħjar fil-futur.

4.2.5

Id-data dwar id-diskriminazzjoni għandha tinġabar addizzjonalment flimkien ma' indikaturi fl-oqsma l-oħra ta' aċċess għall-oġġetti u s-servizzi, l-impjieg, l-inklużjoni soċjali eċċ., sabiex ikun hemm stampa koerenti tal-kwistjonijiet li jolqtu lill-persuni b'diżabilità u l-azzjoni reċiproka ta' bejniethom.

4.2.6

L-inklużjoni soċjali hija wkoll qasam fejn hemm bżonn ta' valutazzjoni addizzjonali sabiex ikun hemm fehim aħjar tar-raġunijiet kumplessi li jwasslu għall-esklużjoni soċjali tal-persuni b'diżabilità. Għandhom jitkejlu kwistjonijiet bħal dħul finanzjarju, iżda wkoll il-parteċipazzjoni fil-ħajja soċjali (rappreżentazzjoni, aċċess għall-assoċjazzjonijiet, ix-xogħol volontarju, il-politika, eċċ.) u aċċess għall-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, il-kultura, il-mezzi ta' komunikazzjoni u s-servizzi soċjali.

4.2.7

Soluzzjonijiet eżistenti ta' l-aħjar prattika, per eżempju l-karta Ewropea għall-parkeġġ, għandhom jistabbilixxu eżempju għall-introduzzjoni ta' soluzzjonijiet ġodda u simili, li ma jistgħux jinkisbu mingħajr sett ta' indikaturi li jkejlu l-inklużjoni soċjali ta' persuni b'diżabilità, b'data rilevanti u paragunabbli.

4.3   Sfidi fl-istabbiliment ta' l-indikaturi Ewropej

4.3.1

Il-provvediment ta' data mill-Istati Membri għall-valutazzjoni tal-livell ta' l-inklużjoni tal-persuni b'diżabilità attwalment qiegħda ssir mingħajr ftehim fuq livell Ewropew dwar indikaturi komuni ħlief ġbir ta' data fil-qafas ta' l-OMC (8) u l-ECHIM (9). Għandu jiġi spjegat ukoll lill-Istati Membri għaliex il-ġbir tad-data dwar kwistjonijiet ta' diżabilità għandu importanza kbira.

4.3.2

L-istħarriġ SILC jinkludi stima tan-numru ta' persuni b'diżabilità fl-UE iżda minn din id-data jeskludi l-persuni li jgħixu f'istituzzjonijiet, tfal u persuni kbar fl-età b'diżabilità, u għalhekk din il-figura ssir inqas rilevanti.

4.3.3

Id-definizzjonijiet ta' diżabilità huma differenti fil-pajjiżi kollha u għandhom jiġu estiżi sabiex jinkludu, per eżempju, persuni bi problemi ta' saħħa mentali, li sikwit ma jiġux inklużi fl-istatistiċi nazzjonali. Id-deskrizzjoni tal-kategorija tal-persuni b'diżabilità għandha tkun ibbażata fuq l-Artikolu 1, paragrafu 2 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità, b'hekk tkun teżisti bażi universali sabiex jiġu stabbiliti liema kategoriji jidħlu fid-definizzjoni ta' “persuni b'diżabilità”.

4.3.4

Il-persuni b'diżabilità huma grupp eteroġenu, u huwa diffiċli li jiġu stabbiliti kriterji ta' kejl. Numru ta' indikaturi għalhekk iridu jqisu d-diversità tad-diżabilitajiet, kif ukoll l-oqsma ta' politika li jħallu impatt fuq il-ħajja tal-persuni b'diżabilità, u jidentifikaw l-ostakoli għall-parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà għall-persuni b'diżabilitajiet.

Brussell, is-26 ta' Settembru 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  ISTAT — Istitut Nazzjonali ta' l-Istatistiċi — Italja, Proġett “Indicators on integration of disabled poeple into social life”, rapport finali, Ġunju 2001, ippubblikat mill-Eurostat.

(2)  Skond l-istħarriġ ta' l-Eurostat SILC (Statistika dwar id-Dħul u l-Kondizzjonijiet ta' Għixien) ta' l-2005.

(3)  Ara: http://europa.eu.int/comm/employment_social/disability/index_en.html.

(4)  http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page?_pageid=1913,47567825,1913_58814988&_dad=portal&_schema=PORTAL#B.

(5)  Għas-Sistema Ewropea ta' l-Istatistika, ara:

http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page?_pageid=1153,47169267,1153_47183518&_dad=portal&_schema=PORTAL.

(6)  Għall-Grupp ta' Washington, ara:

http://www.cdc.gov/nchs/citygroup.htm.

(7)  “Concerted development of social cohesion indicators — Methodological guide”, Council of Europe Publishing.

(8)  Open Method of Coordination — Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni.

(9)  European Community Health Indicators Monitoring — Monitoraġġ ta' l-Indikaturi dwar is-Saħħa tal-Komunità Ewropea.


15.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 10/83


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Lejn użu iktar effettiv ta' l-inċentivi fiskali favur ir-riċerka u l-iżvilupp”

COM(2006) 728 finali

(2008/C 10/21)

Nhar it-22 ta' Novembru 2006, il-Kummissjoni Ewropea ddeċiediet, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar: Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Lejn użu iktar effettiv ta' l-inċentivi fiskali favur ir-riċerka u l-iżvilupp.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-21 ta' Ġunju 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Morgan.

Matul l-438 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-26 u s-27 ta' Settembru 2007 (seduta tas-27 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'134 vot favur, 2 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Din il-Komunikazzjoni tagħmel parti mill-programm tal-Kummissjoni li jappoġġja l-objettiv ta' Lisbona li l-valur ta' l-infiq fir-riċerka u l-iżvilupp ta' l-UE għandu jkun ta' 3 % tal-PGD sa' l-2010, li minnhom 2 % għandhom jiġi mis-settur privat. L-enfasi ta' din il-Komunikazzjoni hija fuq il-metodi użati mill-Istati Membri sabiex joħolqu inċentivi għar-riċerka u l-iżvilupp fil-kumpaniji permezz tas-sistema fiskali. L-iskop tal-Komunikazzjoni huwa li tiċċara l-legalità ta' l-inċentivi fiskali tar-riċerka u l-iżvilupp fil-kuntest tal-liġi ta' l-UE u sabiex tagħti parir lill-Istati Membri fir-rigward ta' l-aħjar prattika. Din il-Komunikazzjoni hija tweġiba sodisfaċenti għall-istedina tal-KESE li skondtha “[i]l-Komunità għandha taħdem sabiex il-liġijiet fiskali u tar-responsabilità ta' l-Istati Membri jkunu adattati aħjar għall-objettiv li jikkonsisti fil-ħolqien ta' inċentivi li jħeġġu lill-industrija sabiex tinvesti iktar fir-Riċerka u l-Iżvilupp” (1).

1.2

Xi eżempji ta' l-aħjar prattika huma deskritti fis-sezzjoni 3 ta' l-Opinjoni. Huwa, madankollu, neċessarju li jingħaraf li hemm limitazzjonijiet għall-inċentivi li jistgħu jiġu pprovduti permezz tas-sistema fiskali. Iktar ma jkunu għoljin ir-rati ta' tassazzjoni korporattiva, iktar ikun ogħla l-inċentiv filwaqt li r-rati iktar baxxi jipprovdu inqas inċentiv. Iktar ma jkunu għoljin l-ispejjeż soċjali, iktar ser ikun b'saħħtu l-inċentiv fiskali miskub mit-tnaqqis. Jekk il-kumpaniji ma jagħmlux qligħ hemm inqas skop, peress li l-kunċett ġenerali huwa li titprovda ħelsien mit-taxxi fuq il-qligħ. Fl-aħħar, huwa ċar li l-ħelsien irid ikun ibbażat fuq investiment reali mwettaq favur ir-riċerka u l-iżvilupp u mhux fir-rigward ta' pjanijiet futuri.

1.3

Ir-rakkomandazzjonijiet għat-twaqqif ta' sistema ta' inċentivi jinkludu l-ħtieġa li titkejjel l-effikaċja ta' kull skema. Dan huwa importanti b'mod ċar fil-każ ta' kumpaniji kbar li jagħmlu l-qligħu li faċilment jistgħu jużaw it-tnaqqis fit-taxxa tal-qligħ sabiex isebbħu l-aħħar linja tal-bilanċ tagħhom minflok iżidu l-baġit għar-riċerka u l-iżvilupp. Sabiex jiġi evitat dan it-theddid morali ċertu pajjiżi jippermettu biss l-inċentivi fuq infiq inkrimentali iżda dan jista' jkun bla skop peress li effett importanti ta' dawn l-inċentivi huwa li l-attività tar-riċerka u l-iżvilupp tinżamm fl-UE u ma titlaqx lejn pajjiżi barra minnha. B'segwitu ta' dan, sistema ta' kejl effettiva għall-kumpaniji l-kbar għandha mnejn tkun iktar ta' benefiċċju milli jekk il-ħelsien jiġi ristrett għall-infiq inkrimentali.

1.4

L-iktar impatt importanti ta' dawn il-programmi huwa l-mod li bih jistgħu jappoġġjaw l-iżvilupp ta' l-SMEs li jiffokaw fuq ir-riċerka u l-iżvilupp matul l-ewwel snin ta' l-eżistenza tagħhom. Ir-rakkomandazzjonijiet jinkludu medda b'saħħitha ta' inċentivi li jipprovdu ħelsien addizzjonali mit-taxxa bħala multiplu ta' investiment tar-riċerka u l-iżvilupp, rimborż meta ma jkunx hemm qligħ u ħelsien mill-ispejjeż soċjali. Fil-kuntest tar-rwol strateġiku ta' l-SMEs fl-ekonomija ta' l-UE, il-KESE jirrakkomanda li kull Stat Membru juża taħlita ottimali ta' l-inċentivi fiskali kollha possibbli sabiex tiġi ffaċilitata s-sopravivenza u t-tkabbir ta' l-SMEs fl-ekonomija tiegħu.

1.5

F'dan il-kuntest, il-Kumitat huwa sorpriż li l-Komunikazzjoni ma tagħmel l-ebda referenza għall-ħelsien fiskali mfassal sabiex jgħin il-formazzjoni ta' kapital għal kumpaniji ġodda. Dan il-punt huwa żviluppat iktar fil-paragrafi 4.9 sa 4.12. Il-KESE jirrakkomanda li l-Komunikazzjoni tkopri wkoll il-formazzjoni tal-kapital.

1.6

Kwistjoni addizzjonali ta' importanza kbira għall-SMEs hija t-trattament tal-brevetti u l-liċenzji. Il-liġi m'hijiex ċara u hemm element ta' kompetizzjoni bejn l-Istati Membri fir-rigward tat-trattament tat-taxxa. Il-KESE jirrakkomanda li l-Komunikazzjoni tkopri wkoll il-brevetti u l-liċenzji.

1.7

Il-Komunikazzjoni tqajjem mistoqsiji dwar numru ta' kwistjonijiet relatati li dwarhom tista' tittieħed azzjoni. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-KESE huma dawn:

1.7.1

L-Istati Membri għandhom itejbu l-użu ta' l-inċentivi tat-taxxa għar-riċerka u l-iżvilupp għall-parteċipanti industrijali f'proġetti ta' riċerka transnazzjonali.

1.7.2

L-Istati Membri għandhom jistudjaw mezzi li bihom l-ispejjeż imposti mill-Istat jistgħu jitbaxxew għal intrapriżi żgħar tar-riċerka u l-iżvilupp, b'ispirazzjoni mill-programm Franċiż għall-Intrapriżi Innovattivi li għadhom jibdew (Young Innovative Enterprises — YIE) — li kellu suċċess kbir.

1.7.3

Fir-rigward ta' l-organizzazzjonijiet ta' riċerka fis-settur privat b'interess pubbliku, l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw approċċ komuni sabiex kemm id-donazzjonijiet kif ukoll il-fondi għar-riċerka jkunu jistgħu jimxu b'mod ħieles fl-UE.

1.7.4

Il-mobilità transkonfinali tar-riċerkaturi għandha titħeġġeġ bil-ftehim ta' bejn l-Istati Membri sabiex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja fuq dmirijiet assenjati għal perijodu qasir.

1.7.5

Il-Kummissjoni hija mħeġġa li tiżviluppa struttura komuni għall-għarfien reċiproku taċ-ċertifikati tar-riċerka u l-iżvilupp għal dawk il-pajjiżi li jużawhom. Fl-istess ħin il-Kummissjoni tista' tikkunsidra jekk ċertifikati bħal dawn humiex meħtieġa fis-suq uniku.

1.7.6

Il-Kumitat jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li jiġu ssemplifikati u mmodernizzati r-regoli għall-irkupru tal-VAT minn entitajiet privati mill-infiq tar-riċerka u l-iżvilupp fi proġetti pubbliċi/privati.

1.7.7

Huwa essenzjali li jsir dibattitu dwar l-inċentivi fiskali għar-riċerka u l-iżvilupp sabiex tinstab definizzjoni fiskali tar-riċerka u l-iżvilupp u ta' l-innovazzjoni għall-UE kollha. Dan ikun pass addizzjonali lejn il-ħolqien ta' Suq Uniku.

1.8

L-objettiv ta' Lisbona ta' 3 % kien stabbilit b'referenza għall-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp magħmul minn reġjuni kompetituri. Hija karatteristika ta' l-ekonomija ta' l-UE li fil-livell makro-settorjali, m'hijiex involuta f'setturi b'konċentrazzjoni ta' riċerka u żvilupp daqs kemm huma pajjiżi kompetituri bħall-Ġappun u l-Istati Uniti. Għalhekk, b'żieda ma' l-istimulazzjoni tar-riċerka fis-settur privat, jagħmel sens li jiżdied l-investiment fis-settur pubbliku fl-universitatijiet u fl-istituti ta' riċerka li huma finanzjati mill-Istat. Il-proġetti ambjentali għandhom jipprovdu stimulu adattat (2).

2.   Introduzzjoni

2.1

Il-kuntest ta' din il-Komunikazzjoni hija l-Istrateġija ta' Lisbona li ssejjaħ sabiex l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp fl-UE joqrob lejn it-3 % tal-PGD sa' l-2010, li minnhomm 2 % għandhom jiġi mis-settur privat. Fl-2005, il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li tippromovi ambjent fiskali iktar konsistenti u favorevoli għar-riċerka u l-iżvilupp, filwaqt li tagħraf il-kompetenza ta' l-Istati Membri għall-politika fiskali. (COM(2005) 488 u COM(2005) 532).

2.2

F'dan il-qafas ta' l-istrateġija ta' Lisbona, il-Kummissjoni nediet diversi inizjattivi bil-għan li l-volum ta' infiq kkonsentit mill-UE fir-rigward tar-riċerka u l-iżvilupp jiżdied għal 3 % tal-PGD filwaqt li tiġi żviluppata ż-Żona Ewropea tar-Riċerka. Kien hemm sforz sabiex jinfetaħ il-potenzjal ta' l-Ewropa fir-riċerka, fl-iżvilupp u fl-innovazzjoni li rriżulta fis-7 Programm ta' Qafas. Fl-Opinjonijiet tiegħu, il-KESE ħeġġeġ b'mod konsistenti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex ineħħu l-ostakli li jżommu lura l-kwantità u l-kwalità tar-riċerka u l-iżvilupp fl-Ewropa filwaqt li fl-istess ħin jittieħdu inizjattivi organizzazzjonali, istituzzjonali u finanzjarji sabiex tiġi promossa massa kritika suffiċjenti ta' attività ta' riċerka u żvilupp fl-Ewropa.

2.3

Il-Komunikazzjoni tipprovdi gwida sabiex tgħin lill-Istati Membri jtejbu t-trattament fiskali tar-riċerka u l-iżvilupp u tgħin sabiex tiżviluppa soluzzjonijiet konsistenti reċiproki għal problemi komuni. Għalhekk dan m'huwiex programm ta' l-UE mmirat lejn proġetti jew objettivi speċifi tar-riċerka u l-iżvilupp. Dan huwa programm għall-Istati Membri sabiex jippromovu r-riċerka u l-iżvilupp fis-settur privat u ser jaħdem sal-punt li s-settur privat, kumpanija kumpanija, ikollu l-inċentiv li jwettaq ir-riċerka u l-iżvilupp. Il-Komunikazzjoni timmira li tgħin lill-Istati Membri fi tliet modi:

kjarifika tal-kondizzjonijiet legali għall-inċentivi fiskali ta' l-Istati Membri għar-riċerka u l-iżvilupp li jinħolqu mil-liġi ta' l-UE;

enfasi fuq il-karatteristiċi ġenerali ta' disinn għat-trattament fiskali tar-riċerka u l-iżvilupp u l-inċentivi bbażati fuq l-analiżi esperta tal-prattika tajba;

preżentazzjoni għad-diskussjoni ta' numru ta' inizjattivi futuri potenzjali mmirati li jindirizzaw il-kwistjonijiet ta' interess komuni b'mod konsistenti.

2.4

Il-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni japplika għal dan il-qasam tal-politika. Id-deċiżjonijiet huma f'idejn l-Istati Membri. Il-linji gwida pprovduti fil-Komunikazzjoni jirriżultaw mill-aħjar prattika mill-Istati Membri. Kritika tal-politiki ta' l-Istati Membri ma taqax fl-ambitu ta' l-Opinjoni. L-Opinjoni hija għalhekk limitata għall-osservazzjonijiet fuq il-linji gwida u l-kummenti dwar l-inizjattivi futuri potenzjali enfasizzati f'punt 2.3 hawn fuq.

3.   Kontenut essenzjali tal-proposta tal-Kummissjoni

3.1

L-inċentivi fiskali kollha tar-riċerka u l-iżvilupp implimentati mill-Istati Membri għandhom jikkonformaw mal-libertajiet fundamentali tat-Trattat u l-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni. Il-Kummissjoni tikkunsidra r-restrizzjonijiet territorjali impliċiti u espliċiti bħala inkompatibbli mal-libertajiet tat-Trattat. Hemm evidenza abbondanti u konsistenti li r-restrizzjonijiet territorjali fuq l-applikazzjoni ta' l-inċentivi għar-riċerka u l-iżvilupp probabbli mhux ser jiġu aċċettati mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.

3.2

Fil-prinċipju, ir-regoli ta' l-għajnuna mill-Istat japplikaw irrispettivament mill-forma ta' l-għajnuna, b'hekk l-inċentivi fiskali għar-riċerka u l-iżvilupp jikkostittwixxu għajnuna mill-Istat. Madankollu, inċentiva fiskali għar-riċerka u l-iżvilupp li m'hijiex selettiva, jiġifieri waħda li tapplika irrispettivament mill-forom u l-qisien tal-kumpaniji fi kwalunkwe settur ma titqiesx bħala selettiva u b'hekk tiġi trattata bħala parti mit-tassazzjoni korporattiva ġenerali.

3.3

Skond it-termini ta' l-Artikolu 87 punt 3(ċ) tat-Trattat, dawn li ġejjin jistgħu jiġu kkunsidrati bħala kompatibbli mas-suq komuni: “għajnuna maħsuba sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta' ċerti attivitajiet … basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni”. Il-Kummissjoni adottat Qafas għar- Riċerka, Żvilupp u Innovazzjoni sabiex tkopri inċentivi fiskali selettivi li jistgħu jikkwalifikaw taħt dan l-Artikolu. Dan il-qafas ġie żviluppat fl-interess pubbliku sabiex jikkoreġi dak li jitqies bħala nuqqas tas-suq fl-isfera tar-riċerka u l-iżvilupp.

3.4

Fl-applikazzjoni tal-qafas, il-Kummissjoni ser tqis dawn l-elementi ta' qafas li ġejjin:

il-kategorija tar-riċerka u l-iżvilupp, irrispettivament jekk humiex fundamentali, industrijali jew esperimentali;

l-applikazzjoni ta' l-inċentiv għall-ispejjeż eliġibbli;

il-limitazzjoni ta' l-intensità ta' l-għajnuna sal-limitu massimu.

Barraminhekk il-Kummissjoni ser tassumi, fuq il-bażi tal-każ imressaq mill-Istati Membri, li l-inċentiv ser jindirizza n-nuqqas tas-suq billi jistimula iżjed infiq fir-riċerka u l-iżvilupp mill-kumpaniji.

3.5

Il-Kunsill Ewropew sejjaħ sabiex il-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni jiġi użat fl-appoġġ tat-tfassil tal-politika tar-riċerka u sussegwentement stieden lill-Kumitat għar-Riċerka Xjentifika u Teknika (CREST) sabiex jissorvelja dan il-metodu ta' appoġġ. F'din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni ddependiet ħafna fuq ir-rapport dwar l-evalwazzjoni u l-ħolqien ta' inċentivi fiskali għar-riċerka u l-iżvilupp, ippubblikat mill-CREST f'Marzu 2006.

3.6

Minħabba strutturi ekonomiċi u industrijali li jvarjaw, il-kapaċità tar-riċerka u l-iżvilupp, il-livell ta' nfiq fuq ir-riċerka u l-iżvilupp u l-ambjent fiskali ġenerali, it-taħlita tar-riċerka u l-iżvilupp u l-istrumenti tal-politika ta' l-innovazzjoni jvarjaw ħafna bejn l-Istati Membri. Il-maġġoranza ta' l-iskemi eżistenti huma ta' natura ġenerali u madwar nofshom għandhom limitu massimu stabbilit. Dan jaħdem favur l-SMEs peress li l-livell ta' nfiq tagħhom m'huwiex normalment milqut minn dan il-limitu. Madwar terz ta' l-inċentivi fiskali jipprovdu benefiċċji speċifiċi għall-SMEs u iktar u iktar skemi jipprovdu speċifikament għall-SMEs innovattivi li għadhom jibdew.

3.7

It-tliet tipi bażiċi ta' ħelsien mit-taxxa huma: differiment ta' taxxa, allowance ta' taxxa u krediti ta' taxxa. L-impatt ta' l-inċentivi użati minn kull Stat Membru huwa funzjoni tas-sistema globali tat-taxxa. Jiddependi mill-iskop ta' l-inċentiv, xi skemi japplikaw għall-infiq globali fir-riċerka u l-iżvilupp, oħrajn japplikaw biss għall-infiq inkrimentali li jirriżulta mill-iskema. F'każijiet oħrajn iż-żewġ klassijiet ta' nfiq għandhom ħelsien, iżda b'rati differenti. Il-ġenerożità ta' l-inċentivi tvarja b'mod konsiderevoli madwar l-Istati Membri. Il-ħelsien mit-taxxa jintlaqat ukoll mil-livelli eżistenti tat-taxxa korporattiva.

3.8

Differiment ta' taxxa ġeneralment tfisser tnaqqis ta' 100 % mill-infiq fir-riċerka u l-iżvilupp minn qligħ taxxabbli. F'din l-iskema, kull euro ta' nfiq ta' riċerka u żvilupp jista' totalment jitnaqqas mit-taxxa. Fejn l-infiq fuq ir-riċerka u l-iżvilupp ma jistax jitnaqqas 100 %, dan jista' jsir forma ta' kapital li sussegwentement jista' jiġi deprezzat. B'mod partikulari, dan ser ikun il-każ għall-infiq kapitali.

3.9

L-allowances ta' taxxa jintużaw sabiex jippermettu ħelsien ta' iktar minn 100 % ta' nfiq fuq ir-riċerka u l-iżvilupp. Fejn japplikaw l-allowances, dawn is-soltu jippermettu tnaqqis ta' bejn 125 % u 300 %. Per eżempju, b'rata ta' taxxa ġenerali korporattiva ta' 30 %, kumpanija tkun tista' tieħu lura EUR 3 000 f'ħelsien mit-taxxa għal kull EUR 10 000 li jintefqu fuq ir-riċerka u l-iżvilupp. B'rata miżjuda ta' 50 %, il-kumpanija tista' tieħu lura EUR 4 500 f'ħelsien għal kull EUR 10 000 li jintefqu fuq ir-riċerka u l-iżvilupp.

3.10

Meta jingħata inċentiv f'forma ta' kreditu ta' taxxa, dan jieħu l-forma ta' rimborż ta' taxxa jew flus kontanti. Dan il-kreditu s-soltu jingħata fuq l-ammont ta' taxxa dovuta, iżda fejn m'hemm l-ebda taxxa dovuta, il-kreditu jista' jiġi kkalkolat bħala persentaġġ ta' l-infiq fuq ir-riċerka u l-iżvilupp. Kreditu fil-forma ta' flus kontanti dovuti fejn kumpanija m'hijiex qiegħda tagħmel il-qligħ jista' jipprovdi appoġġ finanzjajru bżonjuż għall-kumpaniji fi stadju bikri.

3.11

Filwaqt li l-maġġoranza ta' l-iskemi, kif deskritt hawn fuq, huma relatati mat-taxxa korporattiva, skemi oħra jimmiraw lejn it-taxxa fuq il-paga u l-kontribuzzjonijiet soċjali, jew it-taxxa personali fuq id-dħul. Dawn l-għażliet inaqqsu l-ispejjeż tal-persunal tar-riċerka b'effett immedjat, li b'hekk inaqqsu l-iktar komponent importanti ta' l-ispejjeż tar-riċerka u l-iżvilupp. Dawn l-għażliet ser ikollhom l-iktar effett fejn l-ispejjeż soċjali huma għoljin.

3.12

Għall-identifikar ta' kumpaniji li qegħdin jagħmlu t-telf, bħal SMEs li għadhom jibdew, l-istrateġiji jvarjaw minn eżenzjoni mit-taxxa fuq il-paga, għal rimborż tat-taxxa korporattiva, għal krediti tat-taxxa fir-rigward tar-riċerka u l-iżvilupp, sa ddikjarar fis-snin ta' wara ta' telf irreġistrat għall-ħelsien mit-taxxa korporattiva tal-futur.

3.13

Fl-2004, Franza kienet l-ewwel pajjiż ta' l-UE li introduċiet inċentiva fiskali speċifikament sabiex jiġu appoġġjati l-Intrapriżi Innovattivi li għadhom jibdew (YIE). L-għan huwa li tiġi stimulata r-riċerka fis-settur privat u li jinħoloq it-tkabbir reali permezz tat-tnaqqis fl-ispejjeż inizjalita' intrapriżi ġodda li huma orjentati lejn ir-riċerka u l-innovazzjoni. L-inċentivi jinkludu l-eżenzjoni mit-taxxa korporattiva għall-ewwel tliet snin ta' qligħ segwiti minn eżenzjoni ta' 50 % għas-sentejn ta' wara. B'żieda ma' dan, il-ħlasijiet tas-sigurtà soċjali għall-persunal bi kwalifiki għoljin huma eżentati għal tmien snin. Il-kriterji ta' eliġibilità japplikaw għall-iskema YIE.

3.14

Ibbażata fuq l-esperjenza ta' l-applikazzjoni ta' l-inċentivi fiskali fi ħmistax-il Stat Membru, il-Komunikazzjoni tikkonkludi li l-Istati Membri għandhom:

jużaw miżuri ġenerali sa fejn huwa possibbli peress li dawn ser jilħqu iktar kumpaniji, bil-għan li jintlaħaq il-massimu fir-riċerka u l-iżvilupp u jiġi minimizzat ix-xkiel fis-suq.

jippermettu tnaqqis sħiħ għall-ispejjeż kollha tar-riċerka u l-iżvilupp (l-ebda kapitalizzazzjoni jew deprezzament aċċelerat ta' dawn l-ispejjeż) b'dispożizzjonijiet adegwati li jippermettu reġistrar anterjuri u ulterjuri tat-telf iddikjarat.

3.15

Sa fejn huwa kkonċernat id-disinn ta' l-iskemi, l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-objettivi tagħhom b'mod ċar:

jiffokaw fuq l-infiq addizzjonali fuq ir-riċerka u l-iżvilupp li jrid jinkiseb;

jiffokaw fuq il-bidliet fl-imġieba tal-kumpaniji;

jevalwaw l-effetti soċjali aktar ġenerali ta' dawn il-bidliet;

jikkunsidraw il-kriterji ta' evalwazzjoni sa mill-istadju tal-ħolqien;

jittestjaw jekk inċentivi speċifiċi jilħqux l-objettivi tagħhom.

3.16

Lilhinn mill-iskop ta' l-inċentivi tar-riċerka u l-iżvilupp għall-kumpaniji, il-Komunikazzjoni tqajjem ukoll numru ta' kwistjonijiet, deskritti bħala orjentazzjonijiet għal miżuri ta' interess komuni u benefiċċju reċiproku. Il-pożizzjoni tal-KESE fuq dawn il-kwistjonijiet tingħata f'sezzjoni 5 hawn isfel.

4.   Osservazzjonijiet dwar il-linji gwida

4.1

Il-linji gwida jipprovdu medda wiesgħa ta' għażliet għall-promozzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp permezz ta' inċentivi fiskali. Il-KESE jħeġġeġ lill-Isati Membri kollha sabiex jadattaw dawn il-linji gwida għaċ-ċirkostanzi partikulari tagħhom sabiex tinħoloq sistema favur ir-riċerka u l-iżvilupp. Il-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni, iffaċilitat minn CREST, u mmexxi mill-Aġenda ta' Lisbona, għandu jagħti lill-Istati Membri kollha l-opportunità li japplikaw l-aħjar prattika.

4.2

L-impetu pprovdut mill-inċentivi fiskali tar-riċerka u l-iżvilupp ser ivarja skond il-daqs ta' l-intrapriża, skond jekk hijiex kbira, SME jew startup (intrapriża li għadha se tibda).

4.3

F'ħafna Stati Membri, l-inċentivi fiskali għall-investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp huma relattivament reċenti u l-effett fuq il-kumpaniji l-kbar ma jistax jiġi segwit b'mod preċiż. Huwa possibbli li f'xi każijiet l-iffrankar fiskali ser jiġi rifless fir-riżultat finanzjarju (telf/qligħ) iktar milli fid-dipartiment tar-riċerka u l-iżvilupp. B'hekk hemm interess f'ċerti Stati Membri li jingħataw inċentivi akbar għall-investiment inkrimentali. Fl-istess ħin huwa fl-interess ta' l-Istati Membri li jżommu l-preżenza tar-riċerka u l-iżvilupp u inċentivi sempliċi ser iħeġġu l-intrapriżi sabiex iżommu l-attivitajiet tagħhom tar-riċerka u l-iżvilupp fejn huma.

4.4

Kumpaniji akbar għandhom massa kritika ikbar ta' inġiniera u xjentisti u konsegwentement huma f'pożizzjoni tajba li jibgħatu xogħol barra. Jekk, per eżempju, l-Istati Membri jiddeċiedu li jużaw l-inċentivi tar-riċerka u l-iżvilupp sabiex iżommu l-impjiegi ta' l-inġiniera tas-software f'pajjiżhom, l-iktar inċentiv qawwi jista' jkun li l-ispejjeż assoċjati jkunu jistgħu jitnaqqsu b'100 % bħal f'punt 3.8 hawn fuq.

4.5

L-SMEs m'għandhomx ir-riżorsi ta' kumpaniji ikbar u b'hekk il-finanzi tagħhom jistgħu jkunu taħt pressjoni relattivament ikbar. L-għażliet adottati minn xi Stati Membri sabiex jagħtu allowances ikbar lill-SMEs u jistabbilixu limiti massimi ta' l-iskema lil hinn mill-iskala ta' l-SMEs ser jagħtu lill-SMEs flessibilità finanzjarja relattivament ikbar għall-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp.

4.6

L-inċentivi fiskali għandhom l-ikbar potenzjal għas-self għall-istartups u dan huwa importanti peress li kumpaniji bħal dawn huma elementi essenzjali fil-promozzjoni ta' l-intrapriża u l-innovazzjoni. L-innovazzjonijiet fl-ekonomija tas-servizzi, kif ukoll fix-xjenza u t-teknoloġija ta' sikwit jinħolqu permezz ta' kumpaniji startup. Id-dipartimenti tar-riċerka u l-iżvilupp ta' intrapriżi stabbiliti ta' sikwit jidhru li huma adattati aħjar għas-sostituzzjoni tal-prodotti u t-titjib tal-prodotti milli għall-invenzjoni ta' prodott ġdid. Kumpaniji ġodda li jisfruttaw l-invenzjonijiet fix-xjenza u t-teknoloġija huma essenzjali peress li jekk ma jistgħux jegħlbu d-diffikultatjiet ta' l-istadju tal-bidunett (b'xorti ħażina l-maġġoranza ta' kumpaniji ma jirnexxux), dawn jistgħu jew jiżviluppaw f'SMEs li jiġġeneraw il-ġid jew isiru akkwist ta' valur għal intrapriża ikbar. Il-baġits ta' l-għaqdiet u l-akkwisti ta' ħafna intrapriżi tat-teknoloġija jistgħu ma jkunux ta' inqas importanza mill-baġits għar-riċerka u l-iżvilupp ta' l-istess kumpaniji. Fuq kollox, ħafna huma dawk l-intrapriżi kbar tat-teknoloġija li stabbilixxew aġenziji għall-investiment ibbażati fuq il-kapital riskjuż.

4.7

Peress li l-akkwist ta' kumpaniji żgħar minn dawk kbar huwa karatteristika ta' l-ekonomija ta' l-intrapriża, jagħmel sens li t-transazzjonijiet ikunu kemm jista' jkun possibbli fiskalment trasparenti u fiskalment newtrali. Dan ifisser li taxxi tal-ħruġ għall-fondaturi u l-intraprenditui għandhom jiġu minimizzati filwaqt li d-distorsjoni tal-penali m'għandhiex tiġi imposta fuq il-kumpaniji li jipproċedu għal akkwist.

4.8

Filwaqt li l-inċentivi għar-riċerka u l-iżvilupp jistgħu jkunu adattati għall-intrapriżi żgħar innovattivi fis-settur tat-teknoloġija, inċentivi ġenerali għall-kumpaniji startup huma daqstant importanti. Dan peress li inċentivi bħal dawn ser iħeġġu l-formazzjoni ta' intrapriża ġdida fis-setturi kollha industrijali li b'hekk jikkontribwixxu għat-tkabbir globali ta' l-ekonomiji ta' l-Istati Membri.

4.9

Fil-kuntest ta' inċentivi fiskali ġenerali li jħeġġu l-formazzjoni ta' intrapriża ġdida, l-istrateġija tal-Komunikazzjoni hija, għal xi raġuni stramba, siekta fuq it-taxxi fuq il-kapital. Il-problema għal intrapriża startup hija li tassigura l-finanzi inizjali tagħha. L-hekk imsejjaħ kapital riskjuż m'huwiex intiż li jiġi implikat fl-intrapriżi fi stadju bikri u b'hekk il-flus inizjali s-soltu jridu jiġu minn investituri privati, business angels u l-ħbieb u l-familja tal-fondatur(i). Is-sistema tat-taxxa fuq il-kapital li tapplika għal dawn l-investituri hija ingredjent essenzjali fil-formazzjoni ta' intrapriża.

4.10

Ir-Renju Unit għandu sistema ta' inċentivi fiskali żviluppata sewwa f'dan il-qasam li tista' sservi ta' eżempju. Investiment jista' jsir direttament permezz ta' l-Enterprise Investment Scheme (Skema ta' Investiment fl-Intrapriża — EIS) jew permezz tal-Venture Capital Trust (Fond ta' kapital-riskjuż — VCT) li huwa mezz kollettiv ta' investiment kkwotat fl-Alternative Investment Market (Suq Alternattiv ta' Investiment — AIM). Kumpaniji li jikkwalifikaw għal waħda mill-iskemi jridu jilħqu kriterji rilevanti ta' eliġibilità.

4.11

F'kull skema, il-ħelsien mit-taxxa fuq id-dħul huwa disponibbli fuq is-somma investita bir-rata ta' 20 % (EIS) jew bi 30 % (VCT). L-ebda taxxa fuq il-kapital m'hija dovuta fuq il-qligħ wara perijodu ta' kwalifikazzjoni. L-ebda taxxa fuq id-dħul m'hija dovuta fuq id-dividendi tal-VCT u l-ebda taxxa tal-mewt m'hija dovuta fuq il-holdings fl-assi ta' l-investitur. Filwaqt li vantaġġi fiskali m'għandhom qatt ikunu r-raġuni għal investiment, dawn l-iskemi ma jnaqqsux b'mod sinifikanti r-riskji ta' l-investiment f'kumpaniji startup. Dawn irnexxilhom fl-objettiv tagħhom li jagħmluha iktar faċli għall-intraprendituri Brittaniċi sabiex jiġbru l-flus.

4.12

Ommissjoni importanti mill-Komunikazzjoni hija n-nuqqas ta' forma ta' gwida tat-trattament tal-brevetti u l-liċenzjar. Hemm konfużjoni fir-rigward tal-liġi u l-evidenza ta' kompetizzjoni bejn l-Istati Membri fit-trattament tat-taxxa disponibbli fir-rigward ta' brevetti. Il-KESE jirrakkomanda li l-Komunikazzjoni tespandi sabiex tinkludi l-brevetti u l-liċenzjar.

5.   Orjentazzjonijiet għal miżuri ta' interess komuni u benefiċċju reċiproku

5.1

Il-Kumitat jappoġġja l-proposta li l-Istati Membri għandhom jindirizzaw l-ostakli li qegħdin jibblokkaw il-proġetti transnazzjonali ta' riċerka permezz ta', fost affarijiet oħra, it-titjib fl-użu ta' inċentivi fiskali għar-riċerka u l-iżvilupp għall-parteċipanti industrijali.

5.2

Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jesploraw mezzi li bihom l-ispejjeż imposti mill-Istat jistgħu jitbaxxew għal intrapriżi tar-riċerka u l-iżvilupp li għadhom jibdew billi jsegwu l-eżempju tas-sistema Franċiża favur l-intrapriżi żgħar innovattivi (YIE).

5.3

Il-Komunikazzjoni tinnota li minkejja li fl-UE hemm xi fondazzjonijiet ta' riċerka privata li jaħdmu għall-benefiċċju pubbliku li għandhom l-għan li jtejbu l-għarfien xjentifiku permezz tal-finanzjar tar-riċerka, tipikament fl-universitajiet, reġjuni oħra bħall-Istati Uniti għandhom ħafna iktar. Ostakli formali u informali jidhru li jimpedixxu d-donazzjonijiet minn individwi u korporazzjonijiet (li għandhom jikkwalifikaw għal ħelsien mit-taxxa tad-dħul u dik korporattiva) u t-tmexxija sussegwenti tal-fondi għar-riċerka. Il-Kumitat japprova l-proposta li l-Istati Membri jiżviluppaw approċċ komuni sabiex id-donazzjonijiet u l-fondi għar-riċerka jistgħu jimxu b'mod ħieles fl-UE.

5.4

Il-mobilità transkonfinali tar-riċerkaturi għandha titħeġġeġ permezz tal-ftehim ta' bejn l-Istati Membri sabiex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja fuq dmirijiet assenjati għal perijodu qasir. L-Istati Membri huma mħeġġa wkoll sabiex jestendu dawn l-arranġamenti għal pajjiżi ġara ta' l-UE bħall-Ukrajna, l-Iżrael u t-Turkija li huma involuti fi skambju sinifikanti ta' riċerka u iżvilupp ma' l-UE.

5.5

Xi wħud mill-Istati Membri jippermettu l-kumpaniji li jitolbu ċertifikat li jagħraf il-kapaċità tagħhom sabiex iwettqu r-riċerka u l-iżvilupp. F'xi Stati Membri, entitajiet pubbliċi li jwettqu r-riċerka u l-iżvilupp huma mogħtija ċertifikati bħal dawn awtomatikament. Sabiex jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent reċiproku ta' dawn iċ-ċertifikati, il-Kummissjoni ser tipproponi struttura komuni potenzjali. Dan jidher li huwa pass għaqli għall-Istati Membri li jiddependu fuq dawn iċ-ċertifikati.

5.6

Il-Kummissjoni identifikat tħassib fejn il-kumpaniji pubbliċi u privati għandhom interazzjoni fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp minħabba l-problemi li jinħolqu għall-irkupru tal-VAT u l-infiq fuq ir-riċerka u l-iżvilupp minn entitajiet privati. Il-proposta tal-Kummissjoni sabiex tissemplifika u timmodernizza r-regoli u l-applikazzjoni tagħhom hija milqugħa ħafna.

5.7

Fl-aħħar, il-Komunikazzjoni tistqarr li fil-perijodu fit-tul huwa mixtieq li titfittex tifsira tar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni għall-UE kollha u li l-infiq ta' dan it-tip jingħata trattament favorevoli fil-Bażi Fiskali Korporattiva Komuni u Konsolidata. Dan ikun pass addizzjonali lejn il-ħolqien ta' suq uniku.

Brussell, is-27 ta' Settembru 2007

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar Il-ftuħ u t-tisħiħ tal-potenzjal ta' l-Ewropa għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, (006/C 325/05) ĠU C 325, 30.12.2006, p. 16, para 3.5.

(2)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar Il-Ftuħ u t-tisħiħ tal-potenzjal ta' l-Ewropa għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, ĠU C 325 tat-30.12.2006, para 14.2 — 14.4.


15.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 10/88


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-ekonomija ta' l-UE: Reviżjoni ta' l-2006 — Tisħiħ taż-żona ta' l-euro: Il-prijoritajiet politiċi ewlenin”

COM(2006) 714 finali — SEC(2006) 1490

(2008/C 10/22)

Nhar il-11 ta' Jannar 2007, il-Kummissjoni ddeċidiet, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar L-ekonomija ta' l-UE: reviżjoni ta' l-2006 — Tisħiħ taż-żona ta' l-euro: il-prijoritajiet politiċi ewlenin.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-4 ta' Settembru 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Burani u l-ko-rapporteur kien is-Sur Derruine.

Matul il-438 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-26 ta' Settembru 2007, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'133 voti favur, 2 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat jaqbel mal-biċċa l-kbira tad-dokument tal-Kummissjoni; madankollu jixtieq iżid xi kummenti min-naħa tiegħu — fosthom hemm xi wħud li diġà esprima f'okkażjonijiet oħra, anke qabel ma l-euro ġiet adottata. Il-Kummissjoni tesprimi diversi punti ta' kritika b'mod sottili dwar xi aspetti tal-politiki ta' l-Istati Membri: il-KESE jaqbel mas-sustanza tagħhom, iżda jfakkar li spiss il-gvernijiet ikollhom jiffaċċjaw eżiġenzi ta' politika interna li ma jistgħux jaħarbu minnhom jew ma' avvenimenti li jiġru barra mill-pajjiż (kriżi enerġetika, gwerer, eċċ.) li m'għandhomx kontroll fuqhom.

1.2

Is-sostenibbiltà għal żmien twil tal-politiki tal-baġit hija diffiċli meta tonqos il-kontinwità fil-linja politika minħabba li l-gvernijiet jinbidlu maż-żmien; l-istess jista' jingħad għar-riformi strutturali, li huma influwenzati minn soġġettività qawwija skond ix-xejra tal-gvern tal-mument. Filwaqt li l-KESE qiegħed jagħti kas ta' dawn iċ-ċirkustanzi, jisħaq, bħall-Kummissjoni, fuq il-bżonn li r-riformi strutturali jitlestew bil-kontinwazzjoni fid-direzzjoni li tkun meħtieġa.

1.3

Il-flessibilità ta' l-iswieq tal-merkanzija u tas-servizzi huwa aspett tal-politika ekonomika li fiha l-gvernijiet iridu jiddeċiedu ftehim mal-partijiet soċjali; il-liberalizzazzjoniji — li tat riżultati differenti fil-pajjiżi u s-setturi varji- għandhom isiru b'attenzjoni u jagħtu kas taċ-ċirkostanzi speċifiċi ta' kull pajjiż u settur.

1.4

L-integrazzjoni tas-swieq finanzjarji, li diġa' seħħet fil-biċċa l-kbira tas-servizzi tal-korporazzjonijiet, tidher li hi aktar problematika fis-swieq bl-imnut; ħafna mid-diffikultajiet huma ta' natura oġġettiva (differenzi lingwistiċi, karatteristiċi tas-servizzi, eċċ.). Dawn huma problemi li ma jistgħux jissolvew b'metodi leġislattivi jew bir-regolamenti iżda mis-suq, fejn hu possibbli. Ir-regoli eżistenti għandhom ikunu biżżejjed sabiex jitkompla l-proċess ta' integrazzjoni; l-aktar li jista' jkun hemm bżonn huma standards li jħarsu l-interessi tal-konsumaturi bl-aħjar mod possibbli, u fejn hu neċessarju, u li jiżguraw il-monitoraġġ tas-swieq.

1.5

In-negozjati dwar il-pagi għandhom iqisu, kif qiegħda titlob il-Kummissjoni, l-implikazzjonjiet ta' l-unjoni monetarja; min-naħa tiegħu, il-KESE jittama li jista' jkun hemm konverġenza tal-politiki ekonomiċi, monetarji u ta' l-impjiegi permezz ta' laqgħat bejn l-Eurogrupp u l-Kunsill ta' l-Impjiegi: Konverġenza anke biss fil-prinċipju, tista' tikkontribwixxi sabiex maż-żmien ikun hemm armonizzazzjoni ġenwina tal-politiki differenti.

1.6

Ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li d-dimensjoni internazzjonali trid titqies aktar, tirrifletti kritika li kien għamel il-KESE qabel ma ġiet adottata l-euro. Id-daħla fix-xena tal-pajjiżi Ażjatiċi m'għandix tidher bħala theddida, iżda pjuttost bħala sfida li trid tiġi affrontata mill-lat tal-kompetittività u ta' l-innovazzjoni.

1.7

Il-promozzjoni taż-żona ta' l-euro trid issir b'konvinzjoni mill-gvernijiet individwali: huma mitluba li ma joqogħdux iwaħħlu fl-euro għall-problemi ekonomiċi nazzjonali, filwaqt li ma jsemmux il-benefiċċji li qegħdin joħorġu mill-fatt li ġiet adottata munita unika. Wieħed jittama wkoll li l-pajjiżi li ma adottawx l-euro meta hija daħlet fis-seħħ juru biċ-ċar x'inhuma l-intenzjonijiet tagħhom għall-futur. Dan mhux biss sabiex l-opinjoni pubblika tiġi informata dwar iż-żona ta' l-euro, iżda anke sabiex ikunu jistgħu jitfasslu l-politiki futuri ta' l-euro fuq il-bażi ta' l-informazzjoni dwar kemm u liema ekonomiji huma msieħba.

1.8

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni li l-importanza li għandha l-euro bħala munita internazzjonali għandu jippermettilha li terġa' tipproponi bil-qawwa l-kandidatura tagħha bħala membru fil-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI). Dan ma jirrikjedix li jkollu joħroġ xi wieħed mill-membri attwali, iżda pjuttost li jiżdied membru ieħor. L-oġġezzjoni li l-Istatuti tal-FMI ma jipprevedux dil-ħaġa tidher dgħajfa u hija sempliċememt pretest.

1.9

Idea pjuttost kontroversjali. li tissemma biss għall-iskop li wieħed jara xi tkun ir-reazzjoni bi preparazzjoni għal meta, fil-futur, tiġi kkunsidrata bis-serjetà, hija l-ħolqien ta' fond Ewropew ta' stabbilizzazzjoni, li jkun alimentat minn dħul żejjed mit-taxxa, sabiex jiġu ffinanzjati l-proġetti ta' interess Komunitarju.

1.10

B'mod ġenerali, il-Kumitat iqis li r-rapport tal-Kummissjoni huwa aċċettabbli iżda jieħu l-okkażjoni sabiex jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li anke f'dan ir-rapport — l-istess bħal fid-dokumentazzjoni abbundanti dwar l-euro — hemm nuqqas totali ta' kwalunkwe referenza għad-dimensjoni politika tal-munita unika. Is-sinifikat ta' l-euro u l-effetti u l-prospetti tagħha filfatt imorru lil hinn mill-implikazzjonijiet sempliċement ekonomiċi, finanzjarji jew soċjali: dak li verament qiegħed jgħaqqad l-Unjoni filfatt huwa l-għażla li l-interessi ta' pajjiżi differenti qegħdin jitpoġġew flimkien f'munita komuni.

2.   Daħla

2.1

Il-Kummissjoni ippubblikat komunikazzjoni dwar ix-xejriet ekonomiċi ta' l-UE fl-2006, fejn ikkonċentrat b'mod partikolari fuq il-prijoritajiet politiċi għat-tisħiħ taż-żona ta' l-euro. Id-dokument huwa bbażat fuq dokument ieħor “Adjustment Dynamics in the Euro area — Experiences and Challenges” (1), li bħas-soltu huwa sors importanti ta' riferiment għal analiżi aktar approfondita.

2.2

Il-KESE issa ħadet id-drawwa li tikkummenta dwar id-dokument annwali tal-Kummissjoni b'Opinjoni fuq inizjattiva proprja (2). B'din l-Opinjoni, il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni, u jikkonferma, il-pożizzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet li ħarġu qabel, li ser jiġu mfakkra, skond il-bżonn, fit-test. Barra minn hekk huwa jixtieq jikkontribwixxi fid-dibattitu dwar l-Unjoni Ekonomika u Monetarja u jintroduċi elementi ġodda, bħal per eżempju il-Kunsill tal-ministri ta' l-ekonomija u tax-xogħol fiż-żona ta' l-euro jew il-proposta tentattiva, li jinħoloq fond Ewropew ta' stabbilizzazzjoni.

2.3

Min-naħa l-oħra, minn perspettiva storika tal-ħolqien tal-munita unika, ma jistgħax ma josservax li ħafna mill-miżuri li ġew adottati jew rakkomandati fi żminijiet reċenti mill-Kummissjoni jinsabu fl-osservazzjonijiet li għamel il-KESE, fl-Opinjoni tiegħu ta' l-1997 (3), dwar ir-riġidità ta' xi wħuh mill-prinċipji li ispiraw il-Patt ta' Stabbiltà u tkabbir. Dak iż-żmien kien ġie osservat li l-karatteristiċi tal-klima ekonomika u ta' politika nazzjonali ma ġewx ikkunsidrati biżżejjed meta ġew iffissati l-parametri ta' riferiment u l-applikazzjoni tagħhom. Is-suġġerimenti li kien ħareġ bihom il-KESE ma ntlaqgħux dak in-nhar: iż-żmien wera l-validità tagħhom (4).

2.4

In-nuqqas ta' realiżmu tal-bidu issa qiegħed jiġi rifless fil-kritika — ġustifikata iżda li kienet prevedibbli mill-bidu nett — li qiegħda ssir lill-politiki ekonomiċi tal-pajjiżi tal-Grupp ta' l-Euro: l-estimi finanzjarji nazzjonali jmisshom jitfasslu fuq il-bażi ta' ipotesi makro-ekonomiċi komuni. Ir-rieda tal-presidenza, espressa waqt il-laqgħa tal-ministri ta' l-Grupp ta' l-Euro tas-6 ta' Novembru 2006, għadha ma seħħietx: l-estimi finanzjarji nazzjonali għadhom mhux qegħdin jitfasslu fuq il-bażi ta' koordinazzjoni bejn il-politiki ekonomiċi li huwa meħtieġ.

2.5

Mill-banda l-oħra rridu nirrealizzaw li l-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi hija diffiċli ħafna minħabba s-sitwazzjonijiet soċjo-ekonomiċi li huma differenti u l-varjetà ta'l-għanijiet politiċi — li xi kultant huma diverġenti — minn pajjiż għall-ieħor; kien ikun diġà pass kbir 'il quddiem li kieku dawn il-politiki kienu konverġenti. Il-konverġenza tiddependi minn ħafna fatturi, iżda prinċipalment mill-okkupazzjoni, fattur li d-dimensjonijiet u l-karatteristiċi tiegħu jirriżultaw minn xibka ta' politiki oħra.

2.5.1

Il-linji gwida għall-politiki ekonomiċi u l-indirizzi għall-istrateġija Ewropea għall-okkupazzjoni issa saru żewġ strateġiji integrati; konverġenza fil-prinċipju, almenu bħala tentattiv sabiex tintlaħaq l-armonizzazzjoni aktar “il quddiem, tista” tinkiseb permezz ta' laqgħa bejn l-Grupp ta' l-Euro u l-Kunsill ta' l-Impjiegi u l-Politika Soċjali fil-format “żona ta' l-euro”. L-indikazzjonijiet li joħorġu minn din il-laqgħa jistgħu joffru elementi importanti għad-deċiżjonijiet tal-laqgħa annwali tal-Kunsill fir-rebbiegħa.

3.   Id-dokument tal-Kummissjoni

3.1

Il-Komunikazzjoni tissintetizza, fi tliet partijiet li wieħed għandu jfaħħar għall-konċiżjoni tagħhom, l-esperjenzi, il-kunsiderazzjonijiet speċifiċi u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni. Ġew evitati affermazzjonijiet li issa huma aċċettati b'mod paċifiku u r-repetizzjoni ta' prinċipji li matul is-snin saru parti mil-linji li jmexxu l-politika ekonomika.

3.2   L-esperjenza ta' l-ewwel snin ta' l-euro

3.2.1

Il-Kummissjoni fakkret id-dibattitu li kien ippreċeda l-introduzzjoni ta' l-euro fl-1999: il-kwistjoni fondamentali kienet tirrigwarda “il-mod kif il-pajjiżi parteċipanti kienu ser jadegwaw għax-xokkijiet u għad-differenzi fil-kompetittività f'kuntest ta' mobilità baxxa tax-xogħol, ta' integrazzjoni inkompluta tas-swieq tal-prodotti u tas-servizzi u taż-żamma ta' l-awtonomija nazzjonali fejn jidħlu l-estimi finanzjarji”. Dawn il-mistoqsijiet għadhom magħna sal-lum, iżda d-dubji ta' dawk li għamlu previżjonijiet pessimisti dwar il-“ħajja qasira” ta' l-Unjoni monetarja ma seħħewx.

3.2.2

Is-suċċessi, ta' l-anqas il-provi pożittivi li tat l-euro, ma jistgħux jiġu miċħuda: il-munita hija b'saħħitha u stabbli, irreaġixxit tajjeb għax-xokkijiet esterni u interni komuni, u kkuntrastat l-inflazzjoni b'mod effettiv. L-Istati Membri gawdew kundizzjonijiet ta' finanzjament fost l-aktar favorevoli li qatt ġew irreġistrati. Ma dawn il-vantaġġi, wieħed irid iżid, fl-opinjoni tal-KESE, li ipproteġiet diversi pajjiżi membri fiż-żona ta' l-euro minn inflazzjoni li l-munita nazzjonali tagħhom żgur li kienet issofri bħala kawża ta' kundizzjonijiet ekonomiċi u baġitarji li ħżienu. L-euro, it-tieni munita fid-dinja, ħarset lill-Istati Membri mix-xokkijiet monetarji u finanzjarji li kienu jfixklu t-tkabbir, jeqirdu postijiet tax-xogħol u jfarrku l-fiduċja ta' l-operaturi ekonomiċi.

3.2.3

Mas-suċċessi jibqgħu però xi aspetti li għadhom problematiċi. F'ħafna każijiet l-ekonomiji individwali tħabtu sabiex jadattaw għall-iżviluppi interni tal-pajjiżi rispettivi tagħhom, u r-riżultati huma diverġenti ħafna. Dawn id-diverġenzi huma riflessi fil-livelli ta' inflazzjoni u tkabbir; l-aġġustamenti li rriżultaw mit-tnaqqis fir-ritmu ta' l-ekonomiji kellhom jippermettu xejriet ta' tkabbir aktar mgħaġġel fil-perjodu medju, wara li jkunu rkupraw mit-telf fil-kompetittività inizjali. Dan ma seħħx, jew ta' l-anqas seħħ biss parzjalment. “B'mod aktar ġenerali”, ikkonkludiet il-Kummissjoni, “iż-żona ta' l-euro għandha f'qagħda li tiżgura livelli għoljin ta' tkabbir u ta' impjiegi għal żmien twil”. Il-KESE ser jikkummenta dwar din l-istqarrija aktar 'il quddiem.

3.2.4

Il-Kummissjoni, mill-banda l-oħra rrikonoxxiet li dawn id-diffikultajiet ta' adegwament ma kinux biss jew prinċipalment minħabbad-dewmien fl-attwazzjoni tar-riformi fiskali u strutturali; huma wkoll minħabba d-dixxipplina imposta mir-regoli ta' l-unjoni monetarja.

3.2.5

Fl-ewwel snin ta' l-Unjoni Ekonomika u Monetarja kien hemm sbilanċji u ċaqliq fir-rati tal-kambju effettivi u reali; f'xi Stati Membri, kien hemm ukoll tnaqqis qawwi fir-rati ta' l-interessi u kundizzjonijiet aktar favorevoli għall-familji u b'hekk aċċess aktar faċli għas-self f'suq finanzjarju aktar integrat, dan kellu effetti diretti fuq l-akkwist ta' prodotti li jservu u anke dawk li ma jservux. B'mod partikolari fejn jidħlu l-oġġetti li jservu (l-immobbli), xi eknonomiji esperjenzaw investiment qawwi minn barra, ħaġa li wasslet għal defiċit akbar fil-kontijiet kurrenti.

3.2.6

Stqarrija tal-Kummissjoni li titkellem b'mod ġenerali anke jekk titlaq mill-eżempju ta' l-Olanda tirreferi għar-“riskji li jeżistu meta jiġu mfassla politiki finanzjarji fi żminijiet meta l-kundizzjonijiet ikunu favorevoli.” Fl-Olanda, il-kundizzjonijiet favorevoli għall-aħħar fil-bidu tad-deċennju ħolqu effetti pro-ċikliċifuq is-suq tax-xogħol u s-suq finanzjarju, u fl-aħħar mill-aħħar fuq il-politika fiskali. Kundizzjonijiet esterni fuq l-ekonomija ipprovokaw kontrazzjoni f'daqqa, li wasslet għall-adozzjoni ta' kontromiżuri drastiċi ta' konteniment.

3.2.7

Il-prezzijiet u l-pagi kienu wkoll parti mill-problemi kumplessivi: fil-livell nazzjonali huma addattaw bil-mod wisq għat-tibdil fiċ-ċiklu, minkejja li ġeneralment l-isfond kien ta' moderazzjoni fis-salarji — li fost l-oħrajn ikkontribwixxa lejn tnaqqis fid-diżokkupazzjoni. It-tkabbir dgħajjef fil-produttività tefa' l-piż tad-deprezzament reali kemm fuq il-prezzijiet kif ukoll fuq il-pagi, iżda l-aktar fuq dawn ta' l-aħħar. Dawn il-fenomeni jinteraġixxu fil-livell internazzjonali u jipprovokaw ċaqliq fid-domanda u riperkussjonjiet fuq il-kompetittività.

3.2.8

Fl-aħħar il-konverġenza nominali u reali kellha riżultati diverġenti iżda li wieħed jista' jitgħallem minnhom kieku jkun hemm l-isforz li l-fatti jiġu analizzati b'mod kritiku u objettiv. Il-Kummissjoni tiddikjara li l-andamenti differenti huma parzjalment riflessjoni tal-politiki nazzjonali differenti. Il-KESE jixtieq jiftaħ parenteżi u jinnota li s-sitwazzjoni dinjija u Ewropea influwenzat lill-pajjiżi kollha b'mod li tendenzjalment huwa uniformi: jekk hemm xi diverġenzi, dawn huma dovuti “fil-biċċa l-kbira” għall-politiki nazzjonali. L-eżempji li tagħti l-Kummissjoni, l-Ispanja, l-Italja, il-Portugall u l-Irlanda huma prova ċara li quddiem kundizzjonijiet favorevoli, politiki fiskali “ta' idejn miftuħa” jew “ta' idejn magħluqa” taw riżultati kompletament opposti.

3.3   Il-miżuri meħtieġa għat-tħaddim tajjeb ta' l-euro

3.3.1

Hemm bżonn li tingħata l-akbar attenzjoni lil dan il-kapitolu għaliex il-“kunsiderazzjonijiet speċfiċi” li jidhru hawn taħt jikkostitwixxu — jew aħjar “jikkoinċidu” — mal-prijoritajiet tal-Kummissjoni għal dawn is-snin li ġejjin.

3.3.2

Kunsiderazzjoni 1: amministrazzjoni aktar prudenti tal-politiki baġitarji. Fil-qosor, il-miżuri li jridu jiġu adottati jikkoinċidu ma dawk li ġew approvati fl-okkażjoni tal-Patt ta' Stabbiltà u tkabbir riformat, u li s'issa huma internalizzati sew mill-gvernijiet, u mhux biss dawn taż-żona ta' l-euro. Dan kollu jinġabar fir-rakkomandazzjoni — ovvja iżda li evidentement mhux dejjem tiġi osservata waqt li jitfasslu l-pjanijiet annwali — li għandha titqies is-sostenibbiltà fit-tul tal-politiki baġitarji.

3.3.3

Kunsiderazzjoni 2: aktar flessibbiltà fis-swieq ta' l-oġġetti u tas-servizzi. Il-Kummissjoni qiegħda titkellem dwar “flessibilità akbar l-isfel” tal-prezzijiet, ħaġa li ma tistgħax tinkiseb meta l-prezzijiet huma riġidi: f'din is-sitwazzjoni jkun hemm reżistenza għall-adattament tal-pagi nominali, li jwasslu għal tnaqqis akbar fil-pagi reali. Hemm bżonn li tiġi inkoraġġita ir-rilokazzjoni tar-riżorsi fost l-intrapriżi u s-setturi. Dan kollu, l-flessibilità fil-prezzijiet u r-ridistribuzzjoni tar-riżorsi, jiddependi mill-ħolqien ta' swieq miftuħa u kompetittivi. Jista' jkun li jkun hemm bżonn li jiġu reveduti l-politiki fiskali u ta' nefqa (jew xi aspetti tagħhom), kemm fil-livell ta' l-UE u dawk nazzjonali u reġjonali.

3.3.4

Kunsiderazzjoni 3: aktar ħeffa fl-integrazzjoni tas-swieq finanzjarji. F'dan il-qasam sar progress importanti, iżda skond il-Kummissjoni għad fadal ħafna xi jsir sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal tas-swieq finanzjarji taż-żona ta' l-euro: integrazzjoni akbar tista' tnaqqas l-impatt tax-xokkijiet ekonomiċi fuq id-dħul u fuq is-swieq nazzjonali ta' kreditu. Il-pjan t'azzjoni għas-servizzi finanzjarji, u l-inizjattivi li diġà qegħdin isiru, għandhom jagħtu riżultati sinifikanti.

3.3.5

Kunsiderazzjoni 4: li l-implikazzjonijiet tal-UEK fin-negozjati dwar is-salarji. Il-partijiet soċjali li huma mdaħħla fil-proċess ta' negozzjazzjoni għandu jkollhom l-informazzjoni meħtieġa sabiex jikkalkulaw jekk iż-żjieda fil-pagi hix xierqa, u b'hekk ikunu jistgħu jivvalutaw l-implikazzjonijiet tal-proċessi ta' l-aġġustamenti. Politika ta' salarji koerenti mal-pjanijiet ta' żvilupp tista' tevita “korrezzjonjiet kbar ħafna” tar-rati tal-kambju effettivi u reali fi ħdan iż-żona ta' l-euro.

3.3.6

Kunsiderazzjoni 5: titqies id-dimensjoni internazzjonali. Dan l-aspett għandu jitqies “b'mod aktar sistematiku.” Il-politiki eknomiċi fil-livell taż-żona ta' l-euro u fil-livell nazzjonali spiss issottovalutaw dan l-aspett, li filfatt huwa importanti ħafna fid-deċiżjonijiet dwar il-politiki ekonomiċi. L-impatt ta' l-euro — jew aħjar tar-rati tal-kambju tiegħu — fuq protagonisti oħra ta' l-ekonomija dinija trid tiġi vvalutata b'reqqa kbira, għaliex minnu tiddependi l-istrateġija tal-kummerċ, tal-finanzi u tal-politika ekonomika.

3.4   Il-proċessi li jridu jsiru sabiex tissaħħaħ iż-żona ta' l-euro

3.4.1

Id-dokument tal-Kummissjoni jindika f'dan il-kapitolu il-miżuri neċessarji sabiex tissaħħaħ u titkompla l-unjoni monetarja, prijorità li, fil-kuntest internazzjonali attwali, saret urġenti. Hemm sentenza partikolari li għandha tiġi kwotata u mfakkra: “Id-diverġenzi reċenti huma b'xi mod ir-rifless ta' l-iżviluppi tal-bidu li effettwaw l-ekonomijiet ta' l-Istati Membri fil-fażi ta' preparazzjoni għall-ħolqien taż-żona ta' l-euro fl-1999”. Fiha hemm, ta' l-anqas, parti mill-ispjegazzjoni għad-diverġenza fit-tkabbir u l-politiki li ikkaratterizzaw dawn l-aħħar disa' snin.

3.4.2

Il-“proċessi” indikat mill-Kummissjoni huma elenkati hawn taħt skond it-titlu, peress li l-kontenut tagħhom jista' jinftiehem fil-parti l-kbira mit-titoli stess u mill-għadd kbir ta' dokumenti li jeżistu fuq kull suġġett. Il-proċessi li jridu jsiru huma dawn:

a.

l-aċċellerazzjoni tar-riformi strutturali u l-promozzjoni ta' l-integrazzjoni;

b.

aktar tisħiħ tal-pożizzjoni fiskali u titjib fil-kwalità ta' l-estimi finanzjarji nazzjonali;

c.

tisħieħ tal-koordinazzjoni ġewwa u barra miż-żona ta' l-euro;

d.

il-promozzjoni tat-twessiegħ taż-żona ta' l-euro;

e.

il-viċinanza maċ-ċittadini.

Il-KESE ser jikkummenta dwar il-punti individwali aktar 'il quddiem.

4.   Kummenti tal-KESE

4.1   Kunsiderazzjoni 1: amministrazzjoni aktar prudenti tal-politiki baġitarji

4.1.1

Il-Kumitat jaqbel mal-kritika tal-Kummissjoni, xi kultant sottili iżda dejjem ċari, għall-politika ta' xi Stati Membri, li spiss kienet aktar influwenzata mix-xewqa li jippreżentaw pjanijiet annwali li huma konformi mal-kriterji tal-konverġenza milli għan-neċessità li tiġi adottati strateġija ta' tisħieħ tas-sistema fiskali. Dawn il-kritiki għandhom jinqraw fid-dawl ta' l-Opinjonijiet li l-Kumitat esprima ħafna qabel l-adozzjoni tal-munita unika (5): l-ebda gvern mhu kompletament ħieles sabiex jadotta politika fiskali għal rasu mingħajr irbit u kundizzjonijiet.

4.1.2

Apparti mir-restrizzjonijiet imposti mill-kriterji ta' konverġenza — li wieħed jissupponi li diġa huma inklużi f'politika baġitarja “adegwata” — jeżistu oħrajn, interni u esterni. Fost dawk interni biżżejjed wieħed isemmi dawk strutturali jew inkella minħabba riformi strutturali li għadhom ma ġewx implimentati. Fost dawk esterni wieħed irid ifakkar ix-xejriet ekonomiċi mondjali ġenerali u b'mod partikolari l-“ispejjeż enerġetiċi” — fattur li għandu karatteristiċi differenti ħafna minn pajjiż għal ieħor u li qatt ma jiġi kkunsidrat fost il-kawżi tad-diverġenzi fil-politiki ekonomiċi. Barra minn hekk hemm bżonn li nammettu li s-sitwazzjoni ta' pajjiżi li jiddependu totalment, jew kważi, minn barra għall-provvisti tagħhom hija differenti minn ta' dawk li għandhom defiċit iżgħar u li f'xi każi huma esportaturi.

4.1.3

Il-Kumitat josserva li fil-passat ir-riformi strutturali, hekk kif inhuma mniżżla fil-punt 4.1.6 li jidher hawn taħt, mhux dejjem taw ir-riżultati mixtieqa: għalhekk hemm bżonn li tiġi ggarantita koordinazzjoni aħjar tar-riformi, f'kull pajjiż u fil-livell Komunitarju, u koerenza akbar mal-politiki macroekonomiċi ta' sostenn għall-kompetittività u l-okkupazzjoni. Dan ma seħħx dejjem fil-passat: u filfatt l-andament deludenti fitt-tkabbir, li kien xi ftit jew wisq l-istess fil-pajjiżi kollha, jindika li f'ċerti pajjiżi t-tkabbir stess kien kważi “varjabbli indipendenti” fir-rigward tar-riformi.

4.1.4

Ir-rakkomandazzjoni (ara 3.3.2) li titqies is-sostenibbiltà fit-tul tal-politiki baġitarji ħaqqha li tissemma b'mod speċjali. Dawn il-politiki huma dejjem taħlita ta' kunsiderazzjonijiet ta' natura ekonomika u soċjali u ta' orjentazzjonijiet politiċi. Jekk wieħed iqis l-istorja tal-pajjiżi fiż-żona ta' l-euro tul dawn l-aħħar għaxar snin, wieħed jinnota li ftit kienu dawk li żammew “stabilità politika”: gvernijiet b'xejriet differenti segwew lil xulxin sabiex jiggwidaw il-pajjiż, kif wara kollox hu normali u mixtieq f'sistema demokratika. Iżda hija proprju din l-alternazzjoni li tirrendi diffiċli t-tfassil ta' pjan ta' sostenibbiltà fit-tul (6): hemm bżonn ta' stabilità tal-gvernijiet matul is-snin sabiex wieħed ikun jista' joqgħod fuqhom — kif ukoll kwantità kbira ta' fatturi esterni.

4.1.5

Aspett partikolari tar-riformi strutturali jirrigwarda f'xi pajjżi l-livell tad-dejn pubbliku, li hu bil-wisq ogħla mill-parametri ffissati mill-kriterju ta' Maastricht (60 % tal-PGD) u li ma jidhirx li s-sitwazzjoni qiegħda titjieb minn sena għall-oħra. Fl-opinjoni tal-Kumitat, mhux biżżejjed li dan id-dejn jonqos billi jiġi kkumpensat bil-bilanċ baġitarju pożittiv ta' xi sena favorevoli jew permezz ta' xi miżuri hekk imsejħa “ta' darba”: pjuttost hemm bżonn li tiġi segwita linja ta' nfiq pubbliku li huwa aktar effiċjenti jew, jekk din il-miżura ma tkunx biżżejjed, reviżjoni radikali ta' l-istruttura tagħha.

4.1.6

Il-“proċess” indikat mill-Kummissjoni fil-punt 3.4.2.a (aċċellerazzjoni tar-riformi strutturali) fih għalhekk ħafna ostakli kif ukoll livell qawwi ta' soġġettività skond ix-xejriet politiċi. Ir-riformi strutturali (pensjonijiet, saħħa, amministrazzjoni pubblika, liberalizzazzjoni, enerġija) għandhom impatt soċjali u jinvolvu b'mod determinanti l-partijiet soċjali, li jvarja minn pajjiż għal pajjiż; l-ebda gvern ma jista' jadotta miżuri, razzjonali jew mhux, li m'għandhomx il-kunsens taċ-ċittadini. L-istorja reċenti turi li spiss ir-riformi strutturali huma r-riżultat ta' kompromess bejn ħtiġijiet differenti u xi kultant opposti: ir-riformi “razzjonali” astratti jridu jikkunsidraw ħtiġijiet reali u li ma jistgħux jiġu evitati.

4.1.7

Il-Kumitat jirrikonoxxi l-importanza li r-riformi strutturali jitwasslu għal konklużjoni tajba li hija maħsuba u kkoordinata tajjeb mill-Istati Membri. Madankollu, numru ta' miżuri ta' dan it-tip jistgħu jinkwetaw lill-familji li bi prudenza jibdew iġemmgħu aktar. Sal-lum, l-iżvilupp fil-livell tat-tfaddil f'punti perċentwali jidher insinifikanti, iżda dan jinbidel meta iċ-ċifra tidher f'termini assoluti. Per eżempju, bejn l-2001 u l-2005 l-livell tat-tfaddil żdied b'inqas minn punt perċentwali: dan jista' jikkorrispondi għal ċifra ta' madwar EUR 50 biljun li tnaqqsu mill-ispiża tal-konsumi (7). Skond xi wħud dan jista' jkun sinjal pożittiv: żjieda fil-konsum li hi aktar baxxa miż-żjieda fit-tfaddil tista' tindika fiduċja akbar taċ-ċittadini fil-futur ta' l-ekonomija. Oħrajn jiġbdu l-attenzjoni minflok fuq l-investimenti lejn pajjiżi barranin, filwaqt li jilmentaw li huma aktar minn dawk iddestinati fl-Ewropa. Huma żewġ perspettivi differenti, li mandankollu jistgħu isibu punt komuni fil-kunsiderazzjoni li ż-żjieda fl-Ewropa ta' l-investimenti barranin huma, fl-aħħar mill-aħħar, wieħed mill-effetti pożittivi tal-globalizzazzjoni.

4.2   Kunsiderazzjoni 2: aktar flessibbiltà fis-swieq tal-merkanzija u tas-servizzi

4.2.1

Il-Kummissjoni tenfasizza li “l-baġits jagħtu kontribut akbar sabiex isosstnu adegwament attiv” fil-flessibbiltà fis-swieq tal-merkanzija u tas-servizzi. Il-flessibbiltà tfisser “flessibbiltà 'l isfel” sabiex tiġi bbilanċjata l-esperjenza taż-żona ta' l-euro fl-ewwel snin. Wieħed mill-modi kif jista' jintalħaq dan ikun li il-prezzijiet isiru inqas fissi u li jkun hemm riallokazzjoni aħjar tar-riżorsi bejn l-intrapriżi u s-setturi: b'hekk tiffavorixxi politika salarjali li tkun aktar koerenti mal-ħtieġa li jinżammu livelli salarjali li huma adegwati u li jitnaqssu l-ispejjeż soċjali fil-proċessi ta' l-adegwament taċ-ċiklu.

4.2.2

Ir-raġġjunament tal-Kummissjoni huwa probabbilment korrett, iżda il-KESE jiddubita kemm huwa realistiku, u anki validu f'kull sitwazzjoni u f'kull pajjiż. L-integrazzjoni tas-swieq nazzjonali (it-tieni parti tal-punt 3.4.2.a) tista' tiġi ffavorita parzjalment minn politika governattiva ta' inċentivi, iżda l-politika salarjali tiddependi ħafna mill-konsultazzjoni u n-negozjati bejn il-partijiet soċjali. Il-flessibbiltà fil-prezzijiet fir-reġim tas-suq ħieles għalhekk mhix dejjem u kullimkien indipendenti mill-interventi tal-gvern; fil-prattika, dan jiddependi minn ftehim li jintlaħaq bi qbil bejn il-partijiet differenti, gvern, intraprendituri u ħaddiema. L-istess jista' jingħad, sa ċertu punt, għar-riallokazzjoni tar-riżorsi bejn l-intrapriżi u s-setturi, li żgur tista' tiġi ffavorita b'miżuri fiskali jew regolamentari iżda li fl-aħħar mill-aħħar tiddependi mill-opportunitajiet tas-suq u mill-ftehim bejn il-partijiet soċjali.

4.2.3

Il-liberalizzazzjoni timmerita attenzjoni speċjali, għaliex jistgħu jġibu magħhom element ta' ridistribuzzjoni tar-riżorsi bejn l-intrapriżi. Minkejja qbil formali mal-prinċipju, fil-prattika jidher li l-liberalizzazzjoni tinftiehem u sseħħ b'modi u miżuri differenti minn pajjiż għall-ieħor, skond l-orjentazzjoni tal-politiki nazzjonali differenti u xi kultant diverġenti. L-effett ta' dawn il-miżuri fuq il-prezzijiet (diskors li huwa separat minn dak tal-kwalità) u l-kompetizzjoni huma diskutibbli, u jwasslu għall-konklużjoni li mhux dejjem jew kullimkien taw ir-riżultati mixtieqa. Bħala konklużjoni, il-flessibbiltà fil-prezzijiet u l-adattament tal-politika salarjali jiddependu wkoll mill-possibbiltà li sseħħ il-liberalizzazzjoni. Dan kollu bil-kundizzjoni li jiġu implimentati meta s-suq jippermetti u li l-kompetizzjoni li suppost għandha ssegwi bħala riżultat iġġib vantaġġi reali għall-konsumatur.

4.3   Kunsiderazzjoni 3: aktar ħeffa fl-integrazzjoni tas-swieq finanzjarji

4.3.1

Il-pjan ta' azzjoni għas-servizzi finanzjarji li tnieda tliet snin ilu ta riżultati tajbin (il-Kummissjoni titkellem dwar “progress importanti”) kemm fir-rigward tas-sistemi ta' pagament kif ukoll għas-swieq finanzjarji, mobbiljarji u tas-servizzi bankarji “korporattivi”. F'dan is-settur l-integrazzjoni finanzjarja tista' titqies li hija f'fażi avvanzata; il-passi li għad iridu jittieħdu jirrigwardaw il-miżuri ta' monitoraġġ, ta' l-eżerċizzju tad-dritt tal-vot u ta' fużjoni ta' l-intrapriżi, kollha miżuri bżonjużi iżda li mhumiex l-ostaklu veru għall-integrazzjoni li diġà qiegħda isseħħ.

4.3.2

Diskors apparti jirrigwarda il-problema li l-Kummissjoni tqajjem dwar is-suq bl-imnut tal-kreditu u tas-servizzi finanazjarji b'mod ġenerali. Jingħad li “integrazzjoni finanzjarja akbar tista' tnaqqas l-impatt tax-xokkijiet ekomoniċi fuq id-dħul u fuq is-swieq nazzjonali tal-kreditu”, din l-affermazzjoni żgur li għandha bażi, iżda jibqa' diskutibbli jekk tistax tintlaħaq b'mod determinanti. Għall-prodotti finanzjarji l-integrazzjoni fil-livell komunitarju huwa fatt akkwiżit: xejn m'hemm xi jżomm ċittadin minn kwalunkwe pajjiż li jixtri jew ibigħ titoli ta' sigurtà fi kwalunkwe pajjiż ieħor. Fejn jidħlu is-servizzi finanzjarjib'mod partikolari l-kreditu — is-sitwazzjoni hija aktar kumplessa: l-integrazzjoni fil-livell Ewropew mhux faċli li tintlaħaq fi żmien qasir.

4.3.3

Is-servizzi finanzjarji għandhom — każ anomalu, flimkien mas-servizzi assikurattivi — element ta' riskju għal min qiegħed ibigħ: kull tranżazzjoni tiddependi mill-affidabilità tal-klient Minn dan joħroġ il-bżonn li wieħed jikseb informazzjoni minn pajjiż li huwa differenti minn dak tal-venditur, u anke li l-kuntratti jkunu jipprevedu, fost l-oħrajn, il-mod ta' kif ser jiġu regolati litiġji jew insolvenzi eventwali. Fis-suq nazzjonali dan kollu mhuwiex problematiku, iżda integrazzjoni fil-livell Komunitarju bl-istess regoli jimplika l-użu ta' lingwi differenti kif ukoll l-osservazzjoni tal-liġijiet — u eventwalment tal-kompetenzi tal-qrati — tal-pajjiż tax-xerrej. Dawn il-kundizzjonjiet jikkawżaw spejjeż, kumplikazzjonjiet u xkiel li huma mhux faċli li jiġu ssuperati bi provvedimenti leġislattivi u regolamentari. Is-soluzzjoni prattika u li fil-fatt tiġi pprattikata hija li l-bejjiegħ jiftaħ friegħi fil-pajjiż (fil-pajjiżi) tax-xerrej: f'dan il-każ, fuq kollox, wieħed ma jistgħax jitkellem dwar integrazzjoni tas-swieq iżda pjuttost ta' twessigħ tas-suq intern skond il-prinċipji ta' stabbiliment ħieles. Il-benefiċċju huwa it-tisħiħ tal-kompetizzjoni fis-swieq nazzjonali u għażla aktar wiesgħa għall-konsumatur.

4.3.4

Għalhekk mhux possibbli li tintlaħaq integrazzjoni akbar tas-swieq finanzjarji bl-imnut fi żmien qasir, b'inizjattiva leġislattiva jew bl-inċentivi: l-isforzi tal-Kummissjoni u ta' l-Istati Membri għandhom jiġu indirizzati lejn orizzonti li jistgħu jintlaħqu bi sforzi raġjonevoli u jħallu objettivi li diffiċilment jintlaħqu.

4.3.5

B'konklużjoni, il-KESE jaqbel mar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni fejn jidħol il-bżonn ta' l-integrazzjoni fis-swieq finanzjarji bħala mezz sabiex ikun hemm distribuzzjoni aħjar tar-riżorsi finanzjarji fejn hemm l-aktar bżonn. Jenfasizza fuq kollox li r-regoli eżistenti (u dawk komplementari li qegħdin jiġu eżaminati) huma suffiċjenti sabiex jiżguraw l-integrazzjoni bbażata fuq il-liġi tas-suq; jekk hemm bżonn ta' xi regoli dawn iridu jservu sabiex jiggarantixxu ħarsien uniformi ta' l-interessi tal-konsumaturi.

4.4   Kunsiderazzjoni 4: in-negozjati dwar is-salarji jridu jinkludu l-implikazzjonijiet ta' l-unjoni monetarja

4.4.1

Il-Kumitat huwa sorpriż bi frażi tal-Kummissjoni, li skondha l-partijiet soċjali “m'għandhomx biżżejjed informazzjoni dwar l-isfidi u l-implikazzjonijiet ta' linji ta' azzjoni differenti”, u li b'hekk qegħdin jadottaw politika salarjali irraġonevoli. Din il-pożizzjoni ma tidhirx li taqbel ma' dak li ddikjarat il-Kummissjoni stess fl-istudju tagħha (8), li skondha “fil-perjodu ta' l-1999 u l-2005 l-iżvilupp fis-salarji nominali fiż-żona ta' l-euro kien koerenti ma l-objettiv ta' l-istabilità tal-prezzijiet (…) u b'hekk ġiet reġistrata xejra negattiva fit-tkabbir ta' 0.4 % fl-ispiża reali għal kull unità ta' ħidma. Barra minn hekk jidher ċar li t-titjib fil-kundizzjonijiet ekonomiċi s'issa għadu ma ssarrafx f'żieda mgħaġġla tal-pagi, li jfisser li l-iżviluppi fl-ispejjeż ta' kull unità ta' ħidma baqgħu koerenti mal-prinċipji ta' l-istabilità tal-prezzijiet u tat-tkabbir li hija favorevoli għall-okkupazzjoni. Barra minn hekk b'mod ġenerali, il-produttri irnexxielhom iżommu l-marġini tal-qliegħ tagħhom minkejja l-pressjoni ta' spejjeż li mhumiex marbuta max-xogħol u ż-żjieda qawwija fil-kompetizzjoni internazzjonali”.

4.4.2

Il-Kumitat diġà esprima ruħu fuq dan is-suġġett fl-Opinjoni (9) li ħareġ fl-2003, li għadha valida sal-lum. Kien ġie osservat li l-pagi, barra milli huma fattur fil-kompetittività, huma l-bażi tad-domanda fis-suq intern. Il-Kumitat kien enfasizza l-ħtieġa li tiġi ggarantita dinamika fil-pagi għall-perjodu medju li ssegwi ż-żjieda fil-produttività tal-pajjiżi rispettivi sabiex jiġi żgurat l-ekwilibriju bejn żvilupp suffiċjenti fid-domanda u l-ħarsien fil-kompetittività tal-prezzijiet.

4.4.3

Għal dan il-għan il-Kumitat ifakkar il-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' l-Impjiegi u l-Politika Soċjali ta' Jannar 2007 kif ukoll dawk tal-Grupp ta' l-Euro ta' Frar 2007 dwar il-ħtieġa li jinħolqu kundizzjonijiet ta' salarji li huma dinjitużi u li jqassmu aħjar il-frott tat-tkabbir.

4.4.4

Il-Kumitat jinsisti fuq din il-pożizzjoni, li kien ħa xi żmien ilu, dwar il-bżonn li jissaħħaħ id-djalogu makroekonomiku sabiex titjieb il-koordinazzjoni u s-sinerġiji bejn l-oqsma differenti (monetarji, baġitarji salarjali) tal-politika makroekonomika. In-nuqqas attwali fil-koordinazzjoni jsaħħaħ ukoll il-konvinzjoni tal-KESE li l-adozzjoni tas-sistema ta' laqgħat bejn il-Grupp ta' l-Euro u l-Kunsill ta' l-Impjiegi u l-Politika Soċjali (ara punt 2.5.1) saret bżonn aktar milli xi ħaġa li hija utli.

4.4.5

Filwaqt li l-Kummissjoni tesprimi n-nuqqas ta' sodisfazzjon tagħha bit-tendenzi fit-tkabbir ekonomiku u fl-impjieg, tidher ħaġa stramba li ma tqisx li din hija raġuni biżżejjed sabiex jiġu kkunsidrati mill-ġdid id-direzzjoni tal-politiki makroekonomiċi u t-taħlita rrakkomandata ta' politika li għadha ssegwi sal-lum. Filwaqt li l-istruttura tal-politika baġitarja u monetarja għadha l-istess, il-politika tal-livelli tas-salarji m'għandhiex tkun l-unika waħda li tkun mitluba li tikkonforma mal-bżonnijiet ta' l-unjoni monetarja. Politika ta' din it-tip titfa' fuq l-imsieħba soċjali r-responsabbiltà ta' l-għoti ta' kumpens għal żbalji f'oqsma oħra ta' politika.

4.5   Kunsiderazzjoni 5: titqies id-dimensjoni internazzjonali

4.5.1

Il-KESE jaqbel kompletament mal-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li titqies id-dimensjoni internazzjonali. Jekk jista' jsir xi kumment, huwa li kienu proprju l-Kummissjoni u l-Kunsill li kienu ssottovalutaw dan il-fattur meta kienu kitbu t-test oriġinali tal-Patt ta' stabilità u tkabbir, u dan minkejja r-rakkomandazzjonijiet tal-KESE, li kien saħaq fuq ir-riskji ta' pjanijiet fit-tul fil-kuntest ta' żviluppi politiċi fix-xena dinjija li huma imprevedibbli. M'hemmx għalfejn wieħed ifakkar li l-avvenimenti ta' dawn l-aħħar għaxar snin ikkonfermaw b'mod wiesa' din l-idea. L-għaxar snin li jmiss ser ikunu aktar imprevedibbli; li wieħed “jagħti kas tad-dimensjoni internazzjonali” meta jiġu mfassla l-pjanijiet għall-perjodu medju u fit-tul hija ħaġa li għandha valur pjuttost teoretiku.

4.5.2

Fejn jidħlu l-pjanijiet annwali, huwa ċar li l-Istati Membri kollha, li huma jew m'humiex fiż-żona ta' l-euro, ġew effettwati mix-xejriet tal-kummenċ mondjali, partikolarment f'żewġ aspetti: l-avvenimenti marbuta maż-żejt u t-tkabbir tal-kompetizzjoni mill-qawwiet Ażjatiċi. Il-grupp tal-pajjiżi li jiddependu inqas miż-żejt iħossu inqas l-effetti taċ-ċiklu tal-prezzijiet; il-grupp l-ieħor, għall-kuntrarju huwa suxxettibbli għall-aħħar għax-xokkijiet ekonomiċi li għandhom impatt fuq il-prezzijiet interni u fuq il-kompetittività.

4.5.3

B'mod analogu, id-daħla fix-xena tal-pajjiżi Ażjatiċi tiftaħ swieq ġodda għall-pajjiżi Ewropej li huma aktar kompetittivi, mentri tagħmel ħsara lill-pożizzjoni ta' dawk li poġġew anqas enfażi fuq il-kompetittività u l-innovazzjoni. Fl-opinjoni tal-Kumitat, saret wisq enfażi fuq it-teorija li skondha l-pożizzjoni ta' inferjorità kompetittiva hija dovuta għar-rata tal-kambju ta' l-euro meta mqabbla mal-muniti Ażjatiċi u mad-dollaru: in-nuqqas huwa fil-part l-kbira strutturali u il-gvernijiet u l-partijiet soċjali għandhom bżonn jerġgħu jaħsbu mill-ġdid, b'mod radikali dwar il-politiki tagħhom.

5.   Il-proċessi li jridu jsiru huma dawn

5.1

Diġà saru xi osservazzjonijiet dwar “il-proċessi li jridu jsiru” b'konnessjoni mal-“kunsiderazzjonijiet” differenti; il-Kumitat ser ikompli b'xi osservazzjonijiet oħra relatati ma aspetti oħra li ġew trattati mill-Kummissjoni.

5.2

Il-Kumitat iqis li l-Kummissjoni m'għandix tillimita ruħha għal approċċ li huwa purament ekonomista fir-rigward ta' l-Unjoni Ekonomika u Monetarja, filwaqt li jinsa d-dimensjoni politika. Iż-żona monetarja mhijiex għan fiha nnifisha: hija element ta' proġett vast tas-soċjetà ċivili, li “rridu ngħixu flimkien.” Ma jonqsux l-eżempji fl-istorja li juru li żoni monetarji bejn il-pajjiżi li ma jagħmlux progess fit-triq ta' l-integrazzjoni huma kkundannati sabiex fl-aħħar mill-aħħar jispiċċaw li jinfaqgħu 'l ġewwa (10). “Il-passaġġ għall-euro m'għandux jiġi affrontat u pprogrammat bħala sempliċi kambjament tekniku ta' munita, iżda kkunsidrat pjuttost bħala bidla importanti, b'effetti relevanti fuq il-pjan ekonomiku, monetarju u soċjali” (11). Dan il-messaġġ għandu jitfakkar fil-mument li s-sebgħa u għoxrin Stat Membru jinsabu impenjati fir-reviżjoni tat-Trattat sabiex joħorġu minn kriżi istituzzjonali li għandha l-oriġini tagħha f'ħafna raġunijiet, fosthom l-iskumdità tal-qagħda ekonomika u soċjali.

5.3

Punt li għandu jitqajjem huwa il-kumment “il-promozzjoni taż-żona ta' l-euro” (ara 3.4.2.d). Il-Kummisssjoni telenka il-benefiċċji li jistgħu jiggwadanjaw il-pajjiżi li diġà jiffurmaw parti mill-Grupp ta' l-Euro u l-membri l-ġodda; Fejn jidħlu dawn ta' l-aħħar, madankollu, jidher li b'dawk il-pajjiżi li qegħdin jippreparaw għall-euro evidentement kellha f'moħħha biss il-pajjiżi li daħħlu aktar reċentement. M'hemmx kumment wieħed dwar l-assenza fit-tul tal-pajjiżi li diġà kienu jiffurmaw parti mill-Unjoni fil-mument ta' l-adozzjoni ta' l-euro u li għażlu l-opzjoni ta' l-“opt out” li ta' min wieħed jerġa' jiddiskuti. Il-KESE jittama li dawn il-pajjiżi jistgħu jirrevedu d-deċiżjoni tagħhom, u jqis li kumment mingħand il-Kummissjoni jkun jista' jiċċara jekk għandux jiġi deċiż li tiġi skartata b'mod definittiv l-ipoteżi ta' l-adeżjoni tal-pajjiżi li għażlu l-“opt out”. Anki din l-informazzjoni tagħmel parti mill-elementi li jikkontribwixxu għad-deċiżjoni dwar l-istrateġiji futuri ta' l-euro; mill-banda l-oħra ma m'huwiex ċar kif il-pjanijiet għall-perjodu medju u fit-tul tal-pajjiżi li huma fil-Grupp ta' l-Euro jistgħu ma jqisux il-possibbiltà, jew ir-rieda, li jadottaw il-munita unika.

5.4

Il-Kumitat irid jibgħat messaġġ qawwi lill-pajjiżi ta' l-Unjoni Ekonomika u Monetarja sabiex ikomplu bl-isforzi tagħhom sabiex jirrispettaw il-kriterji ta' Maastricht u l-konvergenza tal-politiki sabiex fl-aħħar isseħħ konverġenza reali. M'huwiex aċċettabbli li xi wħud jadottaw b'mod miftuħ politiki laxki mingħajr ma dan ikun iġġustifikat minn kundizzjonijiet eċċezzjonali. Din l-imġiba ttellef mill-kredibilità ma' l-Istati Membri l-oħra, u fl-aħħar mill-aħħar ittellef anke l-kredibilità ta' l-Ewropa bħala tali.

5.5

Fl-aħħar jiġi l-messaġġ li “nkunu aktar mill-qrib taċ-ċittadini”:messaġġ li tant ġie rrepetut drabi li sar “leitmotiv”. Minkejja dan, is-suġġett huwa ta' importanza fundamentali u jinvolvi ir-responsabbiltà diretta tal-gvernijiet individwali. Il-vantaġġi li ġab miegħu l-euro jista' jarahom kulħadd, jekk wieħed irid jara; il-fatt hu li fil-livell nazzjonali l-istabilità tal-prezzijiet, l-aċċess aktar faċli għas-self u affarijiet oħra ta' spiss jissemmew mill-gvernijiet bħala merti. Mill-banda l-oħra meta jissemmew “in-nuqqasijiet” (veri jew immaġinarji) u b'mod partikolari ż-żjieda fil-prezzijiet, anke fil-każijiet fejn l-adozzjoni ta' munità ġdida ma kinitx il-kawża, ir-responsabbiltà tintefa' fuq l-euro. Fil-politika ħadd ma jinteressah li jagħti l-mertu li ħaddieħor, u mill-banda l-oħra kulħadd ifittex kif ser jitfa' d-difetti fuq l-oħrajn.

6.   Kummenti oħra tal-KESE

6.1

Ma dawn il-kunsiderazzjonijiet dwar id-dokument tal-Kummissjoni, il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni lejn żewġ argumenti oħra sabiex jikkontribwixxi lejn id-diskussjoni.

6.2

Id-dinamika tal-kambi ta' l-euro ġiet imsemmija bħala kawża ta' l-iskwilbriji fil-kompetittività ta' l-Eworpa fil-konfront ta' pajjiżi oħra, b'mod partikolari dawk Ażjatiċi. Filwaqt li dan l-aspett jista' jitqies bħala kawża oħra (u mhux kawża prinċipali, kif hemm indikat f'punt 4.5.3), il-Kumitat iqis li huwa l-każ li terġa tiġi proposta, b'qawwa akbar, it-talba li ż-żona euro ssir membru fi ħdan il-Fond Monetarju Internazzjonali. Fil-passat kien ġiet ipotiżżat li l-euro jista' jieħu l-post ta' l-Istati Membri li jipparteċipaw fil-FMI iżda ħadd minnhom ma wera li għandu l-ħsieb li jċedi postu lill-euro. Is-soluzzjoni ideali tkun li tintalab sħubija supplimentari għall-euro mill-FMI, iżda għal perjodu qasir jista' jkun aktar realistiku li jiġġi mmirat li jkun hemm koordinazzjoni bejn ir-rappreżentanti ta' l-Istati Membri: mill-banda l-oħra m'hemmx raġuni għaliex munita li għandha rwol fundamentali fil-kummerċ internazzjonali m'għandix ikollħa r-rappreżentanza tagħha. L-oġġezzjoni li l-Istatuti tal-Fond ma jippermettux hija fjakka: il-modifika ta' statut hija ħaġa żgħira mata mqabbla ma' l-anomalija gravi li munita li hija fost dawk ewlenin fid-dinja ma tistax tipparteċipa fit-tmexxija tal-politiki monetarji tad-dinja.

6.3

Il-Kumitat huwa xettiku dwar l-idea ta' fond Ewropew ta' stabbilizzazzjoni sabiex jitnaqqsu d-diskrepanzi fir-rati ta' tkabbir bejn l-Istati Membri (12). Jekk ser ikun hemm diskussjoni serja dwar din l-idea jeħtieġ li tiġi spjegata aħjar.

Brussell, is-26 ta' Settembru 2007

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Dokument provviżorju — parti mis-serje “The EU Economy Review”, editjat mid-DG Affarijiet ekonomiċi u finanzjarji.

(2)  Ara fl-anness il-lista ta' l-Opinjonijiet li ġew adottati reċentement dwar il-linji gwida għall-politiki ekonomiċi.

(3)  Opinjoni dwar id-dispożizzjoni għat-tielet fażi ta' l-unjoni monetarja, ĠU C 287 tat-22.9.1997, p. 74 (mhux disponibili bil-Malti).

(4)  Fost l-oħrajn, il-KESE kien issuġġerixxa li l-parametri ta' konverġenza, u b'mod partikolari dawk li jirreferu għad-defiċit u għad-dejn pubbliku, għandhom jiġu riveduti perjodikament, per eżempju wara intervall ta' għaxar snin. Is-suġġeriment ma kienx intlaqa', iżda l-avvenimenti wrew il-ħtieġa li jiġi adottat patt ta' stabbiltà u tkabbir rivedut, qabel l-għeluq ta' l-ewwel perjodu ta' għaxar snin li l-KESE kien ippropona. Nota tat-traduttur lill-qarrej: Minkejja li żżammew il-virgoletti, id-dokumenti kkwotati f'din l-opinjoni m'humiex disponibbli bil-Malti.

(5)  “Mhux dejjem il-gvernijiet jistgħu jiggwidaw l-ekonomija ta' pajjiżhom u … il-previżjonijiet, anki l-aktar serji, jistgħu ma jkunux eżatti”: Opinjoni ta' l-1997 kwotata fin-nota 3.

(6)  “Minħabba fin-nuqqas ta' ċertezza fix-xenarju politiku u soċju-ekonomiku — Ewropew iżda fuq kollox dinji — aktar milli dwar programm wieħed għandu jitkellem dwar dikjarazzjonijiet ta' programm, dawn ikunu jorbtu sakemm jibqgħu jikkorrispondu ma' l-evoluzzjoni reali tas-sitwazzjoni” ara l-Opinjoni f'nota 3.

(7)  Sors:AMECO, il-bażi tad-data tad-DG ECFIN.

(8)  Kummissjoni Ewropea, “The contribution of labour cost development to price stability and competitiveness adjustment in the euro area”, Quarterly Report on the Euro Area, volume 6, no 1, 2007. (Dan id-dokument huwa disponibbli bl-Ingliż biss; il-parti li qiegħda bejn il-virgoletti hija traduzzjoni tal-KESE).

(9)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar Linji gwida għall-politiki ekonomiċi 2003-2005, ĠU C 80 tat-30.3.2004, p. 120 (mhux disponibbli bil-Malti).

(10)  L-unjoni monetarja latina (1861-1920) falliet parzjalement minħabba li ma kienx hemm dixxiplina fiskali bejn il-membri tagħha (l-Italja, Franza, l-Isvizzera, il-Belġju u l-Greċja). Unjoni monetarja ta' l-1837 li kienet torbot l-Isvezja (li fl-Epoka kienet inkluża man-Norveġja) mad-Danimarka falliet meta il-kuntest politiku nbidel. Għall-kuntrarju, l-unjoni doganali Ġermaniża tad-19-il seklu, li tagħat ħajja lill-unjoni monetarja, ġiet ikkurunata bis-suċċess grazzi għall-unifikazzjoni politika tal-pajjiż fl-1871. Is-suċċess monetarju u l-integrazzjoni politika għalhekk jimxu flimkien għaliex din l-unjoni tibbaża fuq grad għoli ta' koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi, u għalhekk fuq ċertu livell ta' ċentralizzazzjoni.

(11)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-twessigħ taż-żona ta' l-euro (2006/2103(INI)), l-1 ta' Ġunju, 2006.

(12)  Dan il-fond ikun iffinanzjat mill-Istati membri kollha minn proporzjon mill-bilanċ pożittiv li jakkumula meta l-ekonomija tkun sejra tajjeb, u jintuża sabiex jiffinanzja proġetti li l-Kunsill u l-Parlament Ewropew jiddeċiedu li huma ta' priorità u fl-interess tal-Komunità. L-oġġezzjoni ewlenija għal dan huwa li d-dixxiplina fiskali tiġi kkastigata u għalhekk toħloq diżinċentiv.


15.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 10/96


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tat-tendenzi fis-swieq finanzjarji”

(2008/C 10/23)

Nhar is-17 ta' Jannar 2007, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni proprja dwar: Il-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tat-tendenzi fis-swieq finanzjarji.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-4 ta' Settembru 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Derruine.

Matul l-438 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-26 u s-27 ta' Settembru (seduta tas-26 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'115-il vot favur, 25 vot kontra u 13-il astensjoni.

1.   Rakkomandazzjonijiet

Informazzjoni, trasparenza u ħarsien ta' l-investituri u l-konsumaturi

1.1

Huwa importanti li jiġu żviluppati l-għodod statistiċi li jippermettu li tinħoloq stampa iktar ċara ta' l-industrija tal-hedge funds u tal-private equity kif ukoll ta' l-indikaturi relatati mal-gvernanza korporattiva, li huma soġġetti għal armonizzazzjoni, għall-inqas fil-livell Ewropew.

1.2

Sabiex jitnaqqas is-suspett dejjem ikbar ta' parti mill-industrija finanzjarja, jiġi llimitat ir-riskju ta' xokkijiet sistemiċi li jirriżultaw mit-teħid ta' riskji (speċjalment fejn jidħol id-dejn) eċċessivi u tiġi rrispettata l-kompetizzjoni bejn il-modi ta' investiment, għandhom jiġu applikati standards prudenti għall-hedge funds u l-fondi ta' private equity (“Basel III”).

1.3

“Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni, b'konformità mal-pjan ta' azzjoni tagħha għall-modernizzazzjoni tal-liġi tal-kumpaniji u tal-gvernanza tal-kumpanija, sabiex tippreżenta, mill-iktar fis possibbli, l-abbozz leġislattiv tagħha mmirat lejn żieda fl-informazzjoni pprovduta mill-investituri istituzzjonali fir-rigward tal-politiki tagħhom dwar l-investiment u l-votazzjoni” (1).

1.4

Sabiex tittejjeb il-protezzjoni ta' l-investituri li jpoġġu flushom f'fondi ta' private equity, id-direttiva ta' l-UCITS (2) għandha tiġi emendata sabiex tkopri wkoll lil dawn l-atturi u torbothom sabiex ikunu iktar trasparenti. Minkejja li l-wegħda ta' redditu għoli tista' tkun fattur fil-ġibda ta' l-investiment, l-investitur finali jista' jinjora r-riskji involuti.

1.5

Il-Kummissjoni għandha tħeġġeġ u ssegwi, flimkien mal-partijiet interessati, (inklużi l-banek u l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, l-awtoritajiet pubbliċi u l-provvedituri ta' servizzi, eċċ.) l-inizjattivi mmirati lejn it-tisħiħ ta' l-informazzjoni u speċjalment tal-fehim fost il-konsumaturi tas-servizzi finanzjarji, li ġeneralment ma jkollhomx l-isfond u l-għarfien finanzjarju meħtieġ u għaldaqstant ma jkunux jafu bir-riskji involuti (3).

1.6

L-intrapriżi kkwotati li nxtraw mill-ġdid iżda li għandhom turnover jew numru ta' ħaddiema li jmur lil hinn mil-limitu għandhom dejjem ikunu marbuta li jippublikaw livell minimu ta' informazzjoni meta jitneħħew mill-Borża u ma jibqgħux soġġetti għal dan it-tip ta' obbligazzjoni.

Ġestjoni u diversifikazzjoni tar-riskji

1.7

Għandha tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li tiġi imposta diversifikazzjoni tal-portafoll tal-fondi investiti, b'mod partikulari fil-każ tat-tfaddil tas-salarji, ibbażata fuq il-mudelli eżistenti (ara wkoll il-punt 1.2).

1.8

Il-kriżi Amerikana tas-subprimes infirxet għal setturi oħra tas-suq finanzjarju kif ukoll għall-UE. F'każ ta' kriżi bankarja Ewropea, hemm il-possibbiltà li l-ispejjeż relatati jkunu sostanzjali minħabba l-frammentazzjoni tas-superviżjoni, li ddgħajjef kull reazzjoni approprijata. Taħt il-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-banek prinċipali jkunu soġġetti għal superviżjoni fuq livell Ewropew. Il-Kumitat jistieden lil dawn il-banek, flimkien mal-Kummissjoni u l-Kumitat tas-Superviżuri Bankarji Ewropej (CEBS) sabiex jitkellmu bejniethom bil-għan li jfasslu l-kondizzjonijiet u jiddefinixxu l-kriterji għall-identifikazzjoni tal-banek ikkonċernati.

1.9

Fil-każ ta' ġestjoni ddelegata, li tippermetti d-diversifikazzjoni tar-riskju tal-ġestjoni, jekk jitwal il-perijodu tal-mandat ta' ġestjoni, jitħeġġeġ approċċ fuq perijodu itwal u tiġi llimitata l-ispekulazzjoni li tmur lilhinn mis-self għall-investiment (arbitrage), sabiex tiġi llimitata d-distorsjoni ta' viżjoni fuq perijodu qasir u t-tellieqa għall-profitti permezz ta' azzjoni spekulattiva tal-provveditui tas-servizzi ta' ġestjoni.

1.10

L-aġenziji tar-rating, li fl-istess ħin jagħmluha kemm ta' l-arbitri kif ukoll tad-difensuri hawnhekk, fis-sens li jgħinu lill-banek ta' investiment sabiex joħolqu, jivvalutaw u jqiegħdu d-derivattivi, għandhom ikunu soġġetti għal trasparenza akbar.

Ir-rikonċiljazzjoni ta' l-istrateġija finanzjarja u l-mudell soċjali Ewropew

1.11

L-għotja ta' inċentivi fiskali tista' tqanqal il-fondi tal-pensjoni bi strateġija fuq perijodu fit-tul sabiex jintegraw il-kwalità u r-responsabbiltà soċjali fil-politiki tagħhom dwar l-investiment finanzjarju; attwalment l-investimenti soċjalment responsabbli (4) jirrappreżentaw biss proporzjon illimitat tat-total (5).

1.12

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jassiguraw li r-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji tapplika għall-partijiet interessati kollha, inklużi l-fondi ta' investiment, li għandhom influwenza fuq il-kumpaniji li huma involuti fihom u li kultant imexxu. B'rabta ma' dan, il-KESE jqajjem il-kwistjoni ta' l-applikazzjoni tad-direttiva dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema għall-holdings (6) u jitlob li d-direttiva tiġi riveduta jekk ma tkoprix lil dawn il-kumpaniji.

1.13

B'mod komplementari, id-direttiva dwar il-ħarsien tad-drittijiet ta' l-impjegati fil-każ tat- trasferiment ta' l-intrapriżi (7) għandha tiġi aġġornata sabiex jiġi assigurat li t-trasferimenti ta' l-intrapriżi li jirriżultaw minn trasferiment ta' dawn l-ishma jkunu koperti wkoll. B'hekk jittejjeb ir-rispett għad-dritt li għandhom il-ħaddiema għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni.

1.14

L-istatistiċi relatati mas-salarji (jew mad-dħul) għandhom ta' l-inqas jinqasmu fi kwintili sabiex jiġi evalwat aħjar l-impatt tal-politika tas-salarji fuq l-istabbiltà tal-prezzijiet.

1.15

Is-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali huma pilastru essenzjali tal-mudell soċjali Ewropew. Dawn huma wkoll mira ewlenija tal-fondi ta' private equity, li jirrikorru għal kapital misluf (leveraged buy-outs), billi s-servizzi ta' interess ġenerali jiġġeneraw cash flow sinifikanti, ikunu f'qagħda ta' (kważi-) monopolju, ikollhom dejn baxx u spejjeż ta' ħidma għoljin. Sabiex jiġu evitati l-problemi għall-konsumaturi u ċ-ċittadini, “il-KESE jtenni s-sejħa tiegħu għall-prinċipji komuni bażiċi li għandhom jimxu magħhom is-servizzi ta' interess ġenerali sabiex jiġu ddefiniti fil-livell Komunitarju. Dawn għandhom jitressqu f'direttiva qafas u, jekk hemm bżonn, f'direttivi individwali li jkunu speċifiċi għas-settur” (8).

Tassazzjoni ġusta

1.16

Kif diġà sar f'ċerti pajjiżi jew kif qiegħed isir attwalment f'oħrajn (fid-Danimarka, fil-Ġermanja, fir-Renju Unit), ikun xieraq li wieħed jikkunsidra, b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-possibbiltà li jiġu introdotti regoli li jillimitaw it-tnaqqis fiskali ta' l-interessi fuq id-dejn fil-każ ta' buyout ta' intrapriża.

1.17

B'referenza għall-ħidma diġà mwettqa mill-OECD u fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-kompetizzjoni inġusta mir-refuġji tat-taxxa (tax havens), għandha titqies il-possibbiltà li r-regoli tat-taxxa jiġu mmodifikati sabiex il-post minn fejn il-maniger fir-realtà jwettaq l-attivitajiet jiddetermina l-bażi tat-taxxa għall-hedge funds, peress li dawn il-postijiet ġeneralment huma l-bliet il-kbar tal-pajjiżi ta' l-OECD. Barraminhekk, it-taxxa applikabbli m'għandhiex tkun dik tal-qligħ kapitali iżda dik li tapplika għad-dħul normali.

1.18

Billi ħafna deċiżjonijiet ta' investiment fuq il-perijodu l-qasir jittieħdu f'refuġji tat-taxxa offshore, il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-BĊE sabiex jikkunsidraw il-possibbiltà ta' azzjoni bbażata fuq l-Artikolu 59 tat-Trattat (9).

1.19

Il-Kumitat jenfasizza l-importanza tat-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politiki fiskali, bit-twaqqif ta' rekwiżiti minimi, speċjalment għall-forom varji ta' tassazzjoni kapitali. Din il-politika għandha żewġ objettivi: il-ġustizzja u l-effiċjenza ekonomika.

2.   Introduzzjoni

2.1

Matul dawn l-aħħar 25 sena, l-ekonomija globali ġarrbet bidliet profondi u wesgħin. Anke jekk b'mod ġenerali nispjegaw dan il-fenomenu permezz tal-globalizzazzjoni, ma nafux biżżejjed dwar id-dimensjoni finanzjarja tiegħu jew dwar il-ħolqien ta' suq finanzjarju globali.

2.2

Għaldaqstant, filwaqt li kemm il-mezzi tax-xandir kif ukoll il-politiċi qegħdin ikomplu jiffokaw fuq l-indikatur tal-PGD, hemm bżonn ta' approċċ ġdid li jikkunsidra r-realtà. Fl-2002, il-PGD globali kien ta' 32 elf triljun dollaru. Madankollu, minkejja l-fatt li din il-figura tista' tidher astronomika, m'hija xejn meta mqabbla mas-somma totali tat-transazzjonijiet finanzjarji minbarra l-PGD ($ 1 123 triljun) li għandhom valur 35 darba ikbar.

L-isfera ekonomika globali (fi triljuni ta' dollari Amerikani, 2002)

Il-kummerċ u l-produzzjoni

 

Munita użata għall-ħlas

 

Transazzjonijiet ta' derivattivi

699

Stati Uniti (dollari)

405,7

Transazzjonijiet ta' skambju

384,4 (10)

Is-sistema ta' l-Euro (EUR)

372,9

Transazzjonijiet finanzjarji

39,3

Ġappun (yen)

192,8

Transazzjonijiet ta' merkanzija u servizzi

(PGD globali)

32,3

Żoni monetarji oħrajn

183,6

Total (transazzjonijiet interbankarji)

1 155

Total (transazzjonijiet interbankarji)

1 155,0

Sors: François Morin, “Le Nouveau mur de l'argent: Essai sur la finance globalisée”, 2006.

2.3

L-investituri istituzzjonali huma l-muturi ewlenin tal-globalizzazzjoni finanzjarja. L-iżvilupp tagħhom ġie akkumpanjat mit-tixrid tal-prattiċi Anglo-Sassoni tal-gvernanza korporattiva (bħall-protezzjoni ta' l-azzjonisti minoritarji, l-obbligazzjonijiet fir-rigward tat-trasparenza, l-attiviżmu istituzzjonali f'laqgħat ġenerali u bidliet fir-relazzjoni bejn l-azzjonisti, il-maniġers u l-ħaddiema) u l-ħolqien ta' derivattivi tal-kreditu, strumenti finanzjarji ġodda li jagħmluha possibbli li jitqassmu r-riskji li qabel kienu jitqiesu bħala inseparabbli minn ċerti tipi ta' investiment. Dawn il-bidliet saru possibbli jew ġew aċċelerati permezz tat-teknoloġiji ġodda ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni.

2.4

F'dan l-istadju għandu jkun enfasizzat li l-istrateġiji implimentati mill-investituri istituzzjonali ġeneralment ivarjaw skond l-orizzonti ta' investiment tagħhom. Filwaqt li xi investituri jipprattikaw l-arbitrage, li għandu t-tendenza li jistabbilizza s-swieq finanzjarji, oħrajn bħall-fondi tal-pensjoni, għandhom impenji fuq perijodu twil ħafna. Barraminhekk, l-istess isem jista' jkopri wkoll prattiki li jvarjaw ħafna. Per eżempju, ċerti fondi ta' private equity li jispeċjalizzaw fl-akkwist iffinanzjat b'kapital misluf (leveraged buy-out) jinvestu f'intrapriża għal perijodu ta' 3 sa 5 snin, filwaqt li oħrajn, li joperaw bħala business angels, jipprovdu lill-SMEs innovattivi b'kapital riskjuż u jistgħu jikkommettu ruħhom saħansitra sa ħmistax-il sena (11).

 

Tul tal-holding

 

Ishma

Bonds

Hedge funds

1 sa 5 xhur

1 sa 5 xhur

Fondi ta' investiment oħrajn

9 xhur sa sena

1 sa 6 xhur

Assigurazzjoni

Sena u 2/3 sa 3 snin u 1/3

6 xhur sa sentejn u nofs

Familji

3 sa 5 snin

8 xhur sa 4 snin

Sors: Natixis “L'effet de la présence des hedge funds sur l'équilibre des marchés financiers”, Recherche économique, 2007-04.

2.4.1.

Madankollu, dawn l-atturi jista' jkollhom ukoll rabtiet stretti ma' xulxin. Per eżempju, 24 % tal-kapital miġbur mill-fondi ta' private equity fl-2005 ġie mis-settur tal-fondi tal-pensjoni, 18 % mill-banek kummerċjali u ta' l-investiment u 11 % mill-assigurazzjonijiet (12). Waħda mill-funzjonijiet, li qiegħda ssir dejjem iktar importanti, tal-fondi ta' investiment u kumpaniji oħrajn tal-ġestjoni ta' l-assi hija li tipprovdi servizzi ta' ġestjoni lill-fondi tal-pensjoni u l-assigurazzjonijiet permezz ta' mandati ta' ġestjoni.

2.5

L-investituri istituzzjonali li kienu diġà żviluppati sa ċertu livell fil-pajjiżi Anglo-Sassoni għoxrin sena ilu, progressivament bdew jinteressaw ruħhom fil-pajjiżi ta' l-Ewropa kontinentali. Inħolqu wkoll fondi fid-diversi Stati Membri. Madankollu, attwalment, l-investituri Amerikani għadhom jikkontrollaw nofs l-assi b'ġestjoni kollettiva.

2.6

L-istima attwali hija li l-investituri istituzzjonali jgħoddu għal 80 % tat-transazzjonijiet tas-suq ta' l-ishma. Għaldaqstant, jidher li m'huwiex realistiku li jittieħdu pożizzjonijiet li jopponu dawk tal-korpi ta' investiment ewlenin. Dawn huma wkoll l-atturi prinċipali fir-rigward tal-pussess ta' ishma transkonfinali. Stħarriġ ta' l-Eurobarometer (Awissu 2007) żvela li 1 % biss tal-familji kellhom ishma minn kumpanija barranija u li inqas minn 3 % jikkunsidraw li jixtru ishma barranin. Barraminhekk, ftit li xejn minnhom jipparteċipaw b'mod attiv f'assembleji ġenerali ta' l-azzjonisti filwaqt li l-investituri istituzzjonali bdew jaqdu rwol dejjem iktar viżibbli u attiv f'dawn il-laqgħat matul dawn l-aħħar snin.

2.7

Din l-opinjoni tirrigwarda, l-ewwelnett, lill-kumpaniji kkwotati fil-borża, billi dawn huma attivi fis-swieq ta' l-ishma. Dawn għandhom it-tendenza li jkunu kumpaniji kbar ħafna. Madankollu, billi għandhom influwenza deċiżiva fuq l-impjieg u l-imġiba ta' intrapriżi oħrajn, il-“bidliet” li għalihom huma soġġetti jolqtu wkoll l-ekonomija u s-soċjetà kollha kemm hi minħabba l-fatt li dawn il-kumpaniji:

jiġġeneraw wieħed minn kull tliet impjiegi fl-Ewropa u wieħed minn kull tnejn fl-Istati Uniti;

jippredominaw fl-industrija ta' l-estrazzjoni tal-prodotti naturali, fit-trasport u t-telekomunikazzjonijiet u fis-servizzi korporattivi, fi kliem ieħor f'setturi li huma ċentri nevralġiċi ewlenin;

jinfluwenzaw ukoll il-mod kif jaħdmu l-SMEs, permezz ta' sottokuntrattar u parteċipazzjoni finanzjarja.

3.   Il-konverġenza tas-sistemi ta' gvernanza korporattiva  (13)

3.1

B'mod ġenerali, issir distinzjoni bejn żewġ tipi ta' istituzzjonijiet u prattiċi ta' gvernanza korporattiva, li jinfluwenzaw il-mod li bihom jitmexxew, jiġu amministrati jew ikkontrollati l-kumpaniji, tipi differenti ta' relazzjonijiet bejn il-partijiet interessati u objettivi differenti assenjati lill-kumpaniji.

Il-mudell Anglo-Sassonu huwa karatterizzat minn intrapriżi fejn is-sjieda hija mxerrda ħafna u l-investituri istituzzjonali huma preżenti ħafna, anke jekk m'humiex involuti b'mod dirett fil-ġestjoni tal-kumpanija. Minkejja l-fatt li kull investitur individwali ġeneralment ma jkollux iktar minn 3 % ta' l-ishma totali, huma jeżerċitaw l-influwenza tagħhom billi verament ibigħu jew jagħtu sinjal ta' l-intenzjoni tagħhom li jbigħu l-ishma tagħhom. Din is-sistema hija tipika ta' pajjiżi bi proporzjon għoli ta' kumpaniji kkwotati.

Il-mudell ta' l-Ewropa kontinentali u tal-maġġoranza tal-pajjiżi l-oħra, inkluż il-Ġappun, huwa kkaratterizzat mill-preżenza ta' azzjonisti li jżommu blokkijiet ta' ishma ta' 10 % sa 20 %, u li b'hekk ikollhom kontroll effettiv. Dawn l-investituri huma l-Istat, il-banek jew kumpaniji oħrajn li jinvolvu ruħhom direttament fil-ġestjoni tal-kumpaniji. Għall-kuntrarju tal-mudell preċedenti, il-ħaddiema huma involuti wkoll sa ċertu livell fl-affarijiet tal-kumpanija. L-iktar eżempju estrem ta' dan huwa l-mudell Ġermaniż tal-“Mitbestimmung”.

3.2

Matul dawn l-aħħar għoxrin sena, il-mudell ta' l-Ewropa kontinentali qorob lejn il-mudell Anglo-Sassonu. Il-fatturi li ħeġġew dan il-proċess ta' konverġenza jinkludu: l-Att Uniku Ewropew u l-privatizzazzjoni tal-korporazzjonijiet ta' l-Istat, ir-riforma fiskali fil-Ġermanja, partikularment fuq il-qligħ kapitali fis-suq ta' l-ishma li wassal lill-banek sabiex ibigħu l-ishma tagħhom fl-industrija, l-obbligazzjoni introdotta mid-Dipartiment tax-Xogħol Amerikan li l-investituri istituzzjonali jużaw id-dritt tal-vot tagħhom (1988 u 1994), il-vitalità ta' l-ekonomija Amerikana tul is-snin 90 meta mqabbla ma' l-istaġnar relattiv ta' l-Ewropa kontinentali, l-ikkwotar ta' kumpaniji ewlenin f'diversi Boroż u l-istandards ġodda internazzjonali għaż-żamma tal-kotba.

3.3

Madankollu, għad hemm ċerta diversità fil-forom nazzjonali/reġjonali ta' kapitaliżmu minħabba:

id-diversità ta' l-istituzzjonijiet ekonomiċi fil-livell nazzjonali, f'termini ta' liġi, politika, kultura kif ukoll ta' riżorsi;

l-interdipendenza tas-swieq kapitali u dawk tax-xogħol u bejn il-leġislazzjoni u l-istandards li jirregolaw kif joperaw il-kumpaniji;

l-ispiża ta' ċaqliq għal sistema oħra, billi l-bidla ta' element wieħed fost dawk imsemmija hawn fuq thedded il-koerenza.

4.   Impatt ekonomiku

4.1

L-espansjoni ta' l-investituri istituzzjonali ddemokratizzat l-aċċess għas-swieq finanzjarji u kkontribwixxa għad-diversifikazzjoni tar-riskji tal-portafoll, billi offra l-għarfien ta' tim tal-ġestjoni. Permezz tal-ġbir tat-tifdil tal-familji, iktar u iktar fondi huma disponibbli u dan wassal għal diversifikazzjoni ikbar u b'hekk tnaqqis fir-riskju li jieħdu l-investituri individwali. Il-UCITS joffru aċċess għal qligħ kapitali potenzjalment għoli lill-investituri individwali b'mezzi finanzjarji modesti u li m'humiex familjari ħafna mas-suq. Għall-intrapriżi u l-amministrazzjonijiet pubbliċi, il-konċentrazzjoni ta' kapitali f'idejn l-investituri istituzzjonali tnaqqas l-ispejjeż tan-negozjar billi tipprovdi sistema b'interlokutur uniku.

4.2

Investituri istituzzjonali ta' kull tip (inklużi l-hedge funds, il-fondi tal-pensjoni, il-banek, l-assigurazzjonijiet u l-private equities) jieħdu ħsieb il-ġid ta' madwar 300 miljun familja, il-biċċa l-kbira fl-Istati Uniti, l-Ewropa u l-Ġappun (14). L-għan tagħhom huwa li jilħqu l-massimu ta' qligħ fuq it-tifdil tal-mandatarji tagħhom, skond il-livell ta' riskju li dawn huma lesti li jieħdu.

4.3

Mill-perspettiva tal-konsumaturi u l-familji, il-proporzjon dejjem ikbar ta' ishma ta' fondi ta' investiment fil-ġid finanzjarju tal-familji jimplika, b'mod tawtoloġiku, żieda fl-espożizzjoni tal-ġid finanzjarju tal-familji għar-riskju tas-suq (15).

4.4

Apparti mill-UCITS u l-assigurazzjonijiet, il-fondi tal-pensjoni huma magħrufa mill-pubbliku ġenerali. Huma ppreżentati bħala soluzzjoni li ttaffi l-ispejjeż marbutin mat-tixjiħ demografiku. Hemm żewġ tipi ta' fondi tal-pensjoni: skemi ta' benefiċċji definiti u skemi ta' kontribuzzjonijiet definiti. Fl-ewwel każ, ir-riskju jittieħed mill-isponsor, jiġifieri min iħaddem, u fit-tieni każ, mill-faddal aħħari. Minkejja l-fatt li din it-tieni skema hija kkaratterizzata minn struttura ta' assi iktar riskjuża, qiegħda ssir iktar popolari, billi l-isponsors qegħdin ifittxu li jimminimizzaw ir-riskju maħluq mill-impenji tagħhom fuq il-perijodu fit-tul u l-ħaddiema qegħdin jinġibdu iktar lejn skemi ta' tfaddil li jistgħu joffru qligħ ogħla u drittijiet li jistgħu jiġu trasferiti iktar faċilment bejn il-kumpaniji li jħaddmu (16).

4.5

Il-ġestjoni ta' l-assi tagħhom issir mill-fondi stess, iżda ħafna drabi tkun iddelegata (kompletament jew parzjalment) lil fondi mutwi jew kumpaniji oħrajn tal-ġestjoni. B'hekk, anke jekk l-orizzonti ta' investiment huma teoretikament twal, il-prestazzjoni tal-ġestjoni hija fil-fatt evalwata fil-perijodu l-qasir u fuq il-bażi tal-profitti biss. Dan jispjega għaliex il-proporzjon ta' l-ishma fit-total ta' l-assi għola ħafna u kkontribwixxa lejn żieda fil-prezzijiet ta' l-ishma.

4.6

Il-konverġenza taż-żewġ mudelli tal-gvernanza korporattiva, flimkien ma' l-iżvilupp ta' l-ICTs, żieda fl-attiviżmu min-naħa ta' l-investituri istituzzjonali u l-kejl tal-profitti ta' dawn ta' l-aħħar, wasslet sabiex l-intrapriżi l-kbar iffokaw esklussivament fuq il-massimu tal-qligħ fuq l-ishma tagħhom (dividendi u qligħ kapitali). Kwistjonijiet marbuta mal-kapaċità tagħhom li jiġġeneraw cash flows fil-futur jew mal-prinċipju ta' sħubija enfasizzat fil-mudell soċjali Ewropew tressqu 'l isfel fil-lista ta' prijoritajiet.

4.7

B'hekk issawret dinamika ġdida ta' gvernanza. L-għan tagħha huwa li tkun proattiva fil-bidla għal strateġiji differenti, bl-iskop li l-valur għall-azzjonist (sharholder value) ikun iġġenerat kontinwament, minflok ma timmira lejn titjib fil-kompetittività fuq perijodu medju jew fit-tul, li jista' jkun kompromess. Strateġiji bħal dawn jinkludu buy-backs ta' ishma, fejn kumpanija tixtri lura l-ishma tagħha stess sabiex iżżid l-indikatur tal-qligħ nett fuq l-ekwità (Return on Equity — ROE), għaqdiet u akkwisti (Mergers & Acquisitions — M&A) li kultant ma jkollhomx x'jaqsmu mal-bżonnijiet ta' l-industrija, tnaqqis fl-isfera ta' attività tal-kumpanija u l-integrazzjoni ta' dmirijietha fl-attività tal-grupp li jikkontribwixxi għad-diversifikazzjoni tal-portafoll ta' l-investiment, ir-rilokazzjonijiet, it-tnaqqis fil-persunal u il-flessibbiltà tal-kuntratti tax-xogħol sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż fissi jew jiġu konvertiti fi spejjeż varjabbli (17).

4.8

B'mod ġenerali, l-esiġenza ta' ROE għoli f'termini reali, minn 10 għal 20 % skond is-settur, għandha effetti makro-ekonomiċi li jfixklu l-istabbiltà: qligħ bħal dan ifisser li ż-żieda fil-profitti hija ħafna oħgla mill-PGD. Din wasslet, flimkien ma' fatturi oħrajn (bħall-migrazzjoni, ir-rilokazzjonijiet, iż-żieda fl-importazzjonijiet), għal żieda relattiva fil-proporzjon ta' ġid miksub minn dawk li għandhom il-kapital. Qegħdin naraw tqassim ġdid tal-valur miżjud fl-Ewropa. Skond id-data tal-Kummissjoni Ewropea, l-OECD u l-BRI, il-proporzjon ta' salarji bħala persentaġġ tal-PGD (bħala medja ta' l-UE-15) naqas minn 71.5 % fis-snin tmenin għal 66.7 % fl-2004. Din id-differenza ta' kważi 5 punti tal-PGD ġiet riflessa f'żieda simetrika fil-qligħ kapitali (profitti).

4.8.1

L-impatt makro-ekonomiku ta' bidla bħal din fit-tqassim tal-ġid huwa deflazzjonarju: iżid it-tfaddil globali iżda, billi l-poter ta' l-akkwist tal-ħaddiema ftit li xejn żdied, id-domanda tagħhom m'għandhiex id-dinamiżmu u b'hekk m'hemmx inċentiv għall-investiment min-naħa ta' l-intrapriżi. Min-naħa l-oħra, proporzjon kbir tal-profitti tagħhom jitqassam mill-ġdid lill-azzjonisti (fil-forma ta' dividendi u buy-backs ta' l-ishma) li joħloq likwidità eċċessiva u l-fenomenu jibda jsostni ruħu.

4.8.2

Barraminhekk, peress li l-pajjiżi ewlenin ta' l-OECD qegħdin jikkompetu ma' xulxin sabiex jiġbdu l-investiment barrani dirett imqanqal minn likwidità eċċessiva iżda miżmuma minn tnaqqis fid-dinamiżmu tas-swieq domestiċi, dawn introduċew politiki ta' tnaqqis fit-taxxa li jistgħu jkunu ta' ħsara għall-finanzi pubbliċi jekk l-infiq pubbliku (li jeskludi l-infiq soċjali) ma jittrażżanx (cf. tixjiħ demografiku).

4.8.3

Billi l-interessi mħallsa fuq is-self huma eżentati mit-taxxa f'ħafna pajjiżi, ix-xiri bbażat fuq is-self (leveraged buyout) huwa forma ta' sussidju mill-awtoritajiet pubbliċi ta' l-operati tal-fondi ta' private equities li b'dan il-mod huma privileġġjati. Minbarra l-kwistjoni tal-prattiċi tal-kompetizzjoni inġusta meta mqabbla ma' atturi ekonomiċi oħra li ma jirrikorrux għal dan it-tip ta' proċedura, l-akkwisti bil-leveraged buyout għandhom implikazzjonijiet fuq il-finanzi pubbliċi. Studju tal-Ministeru Daniż tal-Finanzi (18) jbassar li, ceteris paribus, dan it-telf jirrappreżenta, f'dan il-pajjiż, 25 % tad-dħul globali mit-taxxi fuq il-kumpaniji fis-sentejn li ġejjin. Is-sitwazzjoni hija l-istess fil-maġġoranza tal-pajjiżi Ewropej u fiż-żona ta' l-Euro, li huma soġġetti għall-kriterji baġitarji tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.

4.8.4

Fir-rigward tar-remunerazzjoni tal-maniġers tal-fondi, l-20 % ta' carried interest li ġeneralment jitħallsu fuq il-qligħ meta dan jaqbeż ċerti limiti huma ġeneralment intaxxati bl-iktar rata baxxa, jiġifieri dik li tapplika għall-qligħ kapitali, u mhux bl-ogħla rati tat-taxxa fuq id-dħul normali. M'hemm xejn li jiġġustifika din is-sitwazzjoni, għax huma jikkontribwixxu biss lejn parti żgħira ħafna tal-kapital. Din is-sitwazzjoni toħloq problema ta' ugwaljanza fit-trattament fiskali bejn dawn l-individwi u ħaddiema oħra li huma intaxxati b'rati ogħla.

4.9

In-natura u l-istrateġiji tal-kumpaniji evolvew, u l-istess jgħodd għar-rwol tal-kap ta' l-intrapriża. Għaxar snin ilu, id-dmir tas-CEO kien li jimmaniġġja l-kumpanija u l-assi tagħha għad-diversi partijiet interessati. Illum dan id-dmir ewlieni ta' CEO huwa li jiġġenera profitt nett għall-investituri. Ir-rata ta' tkeċċija ta' CEOs minħabba redditi batuti għall-azzjonisti laħqet il-quċċata tagħha fl-2005, meta n-numru ta' CEOs imkeċċija kien għaxar darbiet ogħla minn dak ta' għaxar snin qabel. Iktar minn kumpanija fuq seba' biddlet is-CEO tagħha, b'paragun ma' waħda fuq ħdax għaxar snin ilu. It-tul tal-mandat tagħhom tnaqqas ukoll. Dan it-tibdil hekk mgħaġġel jista' joħloq il-problemi, peress li l-bidliet li jridu jsiru fi ħdan l-intraprizi ġeneralment jeħtieġu 3 sa 4 snin sabiex jiġu implimentati.

4.9.1

Għaldaqstant, billi ħafna bords maniġerjali jsibu ruħhom mingħajr kandidati li jistgħu jieħdu post is-CEO mkeċċi, l-effett dirett huwa żieda addizzjonali fis-salarji tas-CEOs, minn banda minħabba l-kumpens addizzjonali meħtieġ sabiex jitħajru jitilqu x-xogħol attwali tagħhom, u mill-banda l-oħra minħabba l-isforzi tal-kumpaniji attwali tagħhom li jixtiequ jżommuhom. Filfatt, maġġoranza qawwija ta' investituri istituzzjonali huma mħassba dwar il-paga eċċessiva tal-maniġers (90 %) u n-nuqqas ta' l-iċken effett pożittiv fuq il-prestazzjoni tal-kumpanija (78 %) (19).

4.9.2

Anke jekk il-kumpaniji jidhru li qegħdin jitbiegħdu mill-istock options li wasslu għal kunflitt ta' interessi u skandli kbar, il-prattika tal-“golden parachutes” u premji oħra lil CEOs li ma rnexxilhomx itejbu l-prestazzjoni tal-kumpanija (f'termini ta' kompetittività u impjiegi) hija skandaluża f'għajnejn il-pubbliku.

5.   Koeżjoni/inugwaljanzi soċjali

5.1

Minn banda, anke jekk fil-passat ir-remunerazzjoni għolja ta' l-azzjonisti spiss ġiet iġġustifikata bir-riskju involut fl-operati li fihom jinvestu l-kapital tagħhom, żviluppi li seħħew f'dawn l-aħħar snin qajmu dubji serji dwar il-bażi ta' dan l-argument.

5.1.1

Fir-realtà, ir-responsabbiltà hija llimitata għall-kontribuzzjonijiet tagħhom stess u l-kapaċità tan-negozjar ta' l-assi tagħhom, li hija marbuta mal-likwidità dejjem tikber tas-swieq finanzjarji u ta' l-ishma li tirriżulta mill-globalizzazzjoni tagħhom u l-introduzzjoni ta' teknoloġiji ġodda, tnaqqas b'mod konsiderevoli l-livell ta' riskju li jkollhom, u fl-istess ħin tagħtihom ukoll kapaċità għal ħruġ u diversifikazzjoni mingħajr paragun.

5.2

Barraminhekk, l-ekonomisti osservaw tendenza staġjonali għat-tkeċċijiet, li jiżdiedu l-iktar f'Jannar u Ġunju; fi kliem ieħor, iż-żmien meta jiġu ddefiniti u riveduti l-baġits annwali tal-kumpaniji. Il-konklużjoni kienet li t-tkeċċijiet kienu mmotivati minn xewqa għal titjib fil-profitti, iktar milli sabiex jiġu ssodisfati l-bżonnijiet ta' l-industrija (20).

5.2.1

B'żieda ma' dan, hemm tendenza lejn l-individwalizzazzjoni tal-kuntratti tax-xogħol u tas-salarji u żieda fin-numru ta' kuntratti atipiċi bħal kuntratti ta' perijodu fiss jew part-time, li kellhom l-għan li jikkonvertu proporzjon ta' l-ispejjeż fissi marbuta mas-salarji fi spejjeż varjabbli u, fl-aħħar mill-aħħar, sabiex iżidu l-profitt u b'hekk il-qligħ fuq kull sehem. Fl-1992, 25.4 % tal-ħaddiema kienu impjegati fuq kuntratti ta' perijodu fiss jew part-time. Fl-2005, il-proporzjon għola għal 33 %. Minbarra fl-2005 stess, it-tkabbir fil-kuntratti mhux siguri ta' dan it-tip seħħ b'rata ħafna iktar mgħaġġla mit-tkabbir fl-impjiegi ġodda u, fir-rigward tal-kuntratti ta' perijodu fiss, dan wassal biss għal kuntratt permanenti f'33 % tal-każijiet (fi 22 % tal-każijiet għal nuqqas ta' impjieg u fi 39 % għal kuntratt ieħor ta' l-istess tip) (21).

5.2.2

Dan qiegħed iwassal għal riskji ġodda kemm għall-ħaddiema kif ukoll għall-intrapriżi:

l-intrapriżi ma jinvestux f'dawn il-ħaddiema mobbli, li min-naħa tagħhom ma jinvestux l-enerġija tagħhom, peress li għandhom inqas sens ta' impenn fir-rigward ta' l-intrapriża u jibżgħu li mhux ser jieħdu benefiċċji konkreti mit-taħriġ (22), (23);

il-kapital uman, li qiegħed isir dejjem iktar speċifiku għall-intrapriżi fis-soċjetà ta' l-għarfien, ma jistax jerġa' jintuża faċilment (jiġifieri ma jistax jiġi trasferit minn kumpanija għal oħra) (24);

ir-rappreżentanti tal-ħaddiema ma jistgħux jidentifikaw iktar l-interlokuturi li jistgħu jindirizzaw fil-kuntest tad-djalogu soċjali, billi “il-kap tagħhom” fil-fatt huwa grupp ta' azzjonisti mingħajr identità preċiża “li ma jistgħux jagħrfu”;

il-ħaddiema jitqiegħdu f'sitwazzjoni fejn jikkompetu ma' xulxin:

fil-livell globali, minħabba l-mobilità għolja tal-kapital produttiv u dak finanzjarju u l-irdoppjar fin-numru ta' ħaddiema li qegħdin jipparteċipaw fl-ekonomija wara l-kollass tal-blokk Sovjetiku u d-dħul taċ-Ċina u l-Indja fix-xena internazzjonali;

fil-livell nazzjonali, minħabba r-rata tal-qgħad u ż-żieda fl-impjiegi ta' kwalità baxxa ħafna, li tgħolli l-valur ta' l-impjiegi ta' kwalità tajba, u minħabba l-paradoss tat-taħriġ: min-naħa huwa meqjus tajjeb li nenfasizzaw il-ħtieġa għat-taħriġ u n-nuqqas ta' qbil bejn l-impjieg u l-ħiliet u min-naħa l-oħra, kważi ħaddiem fuq kull tlieta jħoss li huwa kkwalifikat iżżejjed fir-rigward tal-ħtiġijiet ta' l-impjieg attwali tiegħu, u l-ħaddiema inqas ikkwalifikati u temporanji m'humiex ipprovduti b'taħriġ suffiċjenti;

il-kompetizzjoni bejn il-ħaddiema tiħrax minħabba l-fatt li l-mobilità tagħhom hija relattivament illimitata, minħabba ż-żamma ta' perijodi transizzjonali tal-leġislazzjoni fuq il-migrazzjoni ekonomika, li tistipula li l-aċċess tal-barranin għas-suq tax-xogħol jiddependi mill-eżistenza ta' skarsezzi f'ċerti kategoriji ta' impjieg partikulari (restrizzjonijiet politiċi) jew min-nuqqas ta' progress ġenwin fil-qasam tat-trasferibilità tal-pensjonijiet jew minn żieda eċċessiva fil-prezzijiet tal-proprjetà (restrizzjonijiet soċjo-ekonomiċi) jew konoxxenza inadegwata tal-lingwi (restrizzjonijiet kulturali).

5.2.3

Għandu jinstab bilanċ ġdid bejn l-azzjonisti u l-ħaddiema. Minbarra d-distorsjoni fit-tqassim tal-PGD f'“kapital” u “xogħol” u l-fatturi msemmija hawn fuq, l-iżbilanċ huwa rifless ukoll fl-iżvilupp esponenzjali tas-swieq finanzjarji u ta' l-ishma f'dawn l-aħħar snin, b'kuntrast mall-passi lura fil-liġi tax-xogħol, li m'għadhiex tipprovdi biżżejjed protezzjoni għall-ħaddiema (per eżempju f'termini ta' kuntratti jew ta' taħriġ tul il-ħajja (25)). Dan jirrifletti l-fatt li l-flessibbiltà tax-xogħol (u l-insigurtà miżjuda) qiegħda ssir varjabbli ta' aġġustament għall-intrapriżi.

Żvilupp skond il-mudell soċjali

 

 

Kapitalizzazzjoni tas-suq/PGD

Protezzjoni tal-ħaddiema

Medja

pajjiż

1990

2003

1990

2003

Mudell Anglo-Sassonu

UK, USA, Can, Aus

54

119

0,63

0,73

Mudell Skandinavu

Fin, Dk, Sv

28

85

2,71

1,89

Mudell kontinentali

Fr, De, At, B, Nl

30

59

2,79

2,30

Mudell Mediterranju

It, Sp, El

16

57

3,67

2,61

Il-Ġappun

 

98

70

2,10

1,84

NB: M'hemm l-ebda data disponibbli għall-Istati Membri l-ġodda.

Il-protezzjoni tax-xogħol hija mkejla mill-indikatur (EPL verżjoni 1) ikkalkolat (għas-snin 1990, 1998 u 2003) mill-OECD. Dan ikopri r-regolamenti dwar il-protezzjoni ta' l-impjieg regolari u temporanju. Iktar ma ċ-ċifra tkun qrib ta' 0, iktar ikunu dgħajfa r-regoli fuq il-protezzjoni ta' l-impjieg (il-verżjoni 2 ta' l-EPL tinkludi wkoll informazzjoni dwar it-tkeċċijiet kollettivi iżda ma tmurx lura sa l-1990).

5.2.4

Minkejja li ġew żviluppati skemi ta' azzjonisti impjegati, dawn ma jistgħux jindirizzaw l-iżbilanċ billi, f'termini tar-rappreżentazzjoni tagħhom madwar il-forza tax-xogħol, dawn għandhom tendenza sproporzjonata lejn l-impjegati li huma mħallsa l-iktar (ġeneralment il-livelli maniġerjali l-iktar għoljin).

5.2.5

Is-sistemi ekonomiċi jitfasslu minn storja partikulari (ara punt 3.3); dan jispjega għaliex il-konverġenza tal-mudelli tal-gvernanza korporattiva (ara punti 3.1 u 3.2) għadha ma kellhiex impatt partikularment viżibbli fl-Ewropa kontinentali fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-qgħad, minkejja l-fatt li l-mudell soċjali Ewropew huwa bbażat fuq ekonomija soċjali tas-suq li hija bbażata fuq approċċ ta' sħubija fl-iktar sens wiesa' u li tmur lilhinn mill-interessi ta' l-azzjonisti biss.

5.3

Għaddew bosta snin minn meta dħalna f'fażi ta' restrizzjonijiet ibsin tal-pagi (26) bħala riżultat taż-żieda fil-kompetizzjoni internazzjonali u l-kejl tal-profitti. Madankollu, mhux il-kategoriji soċjo-professjonali kollha huma milquta minn dan il-fenomenu.

5.3.1

Għaldaqstant, bħalma sar fl-Istati Uniti (27), il-Kummissjoni Ewropea, l-Eurostat u l-BĊE għandhom jirraffinaw l-istatistika tagħhom billi jqassmuha (mill-inqas) fi kwintili (28) sabiex jidentifikaw b'mod iktar ċar liema kategoriji ta' ħaddiema (dawk b'salarji għoljin ħafna, dawk b'salarji baxxi ħafna u l-gruppi ta' bejniethom) fil-fatt qegħdin imexxu ż-żidiet fit-total globali tas-salarji u b'mod iktar ġenerali fid-dħul, sabiex tinħoloq stampa iktar ċara tar-riskji għall-istabbiltà fil-prezzijiet, bil-kunsiderazzjoni tal-fatt li n-nies fid-diversi kategoriji m'għandhomx l-istess propensità għall-konsum (29) (ara wkoll punt 4.8.4).

6.   Riċerka, żvilupp u innovazzjoni

6.1

Bħalma wriet il-kriżi tas-suq tax-xogħol fl-2000-2001, fid-dawl tat-tendenza ta' l-investituri istituzzjonali li jimitaw lil xulxin fejn jidħlu d-deċiżjonijiet għall-investiment, għad hemm possibbiltà li din twassal għal investiment eċċessiv f'ċerti setturi u, fl-istess ħin, nuqqas ta' investiment f'oħrajn.

6.2

L-eżempju tal-pajjiżi Skandinavi juri li huwa possibbli li jkun hemm taħlita ta' prestazzjoni soċjali u teknoloġika għolja ma' sistema finanzjarja li hija bbażata fuq il-bankjar minflok fuq is-swieq ta' l-ishma.

6.3

Fir-rigward tal-private equities, dawn iġibu l-kapital riskjuż li għandhom bżonn l-intrapriżi ż-żgħar sabiex iniedu attivitajiet ġodda (start-up), f'qasam li ilu sejjer lura bosta snin (fl-2003, dan kien jgħodd għal inqas minn 10 % ta' l-investiment tagħhom) (30). Min-naħa l-oħra, l-private equities qegħdin jiffokaw dejjem iktar fuq il-buy-outs (li rrappreżentaw iktar minn 60 % ta' l-attivitajiet tagħhom fl-2003) (ara l-kapitolu “Effetti ta' lieva u riskju sistemiku”). Barraminhekk, huwa improbabbli li din it-tendenza ser tqanqal l-investiment, billi, fid-dawl tar-riskji involuti, il-prijorità għall-private equities ser tkun li jirrimborżaw u jħallsu lill-azzjonisti iktar milli jinvestu għal perijodu fit-tul.

6.4

Apparti mir-riċerka u l-iżvilupp, l-hekk imsejħa interazzjonijiet “taċiti” (31) huma fattur ta' importanza dejjem tiżdied għall-kompetittività tal-kumpaniji kollha. L-interazzjonijiet taċiti jinvolvu l-iskambju ta' l-informazzjoni, il-formulazzjoni ta' l-opinjonijiet, il-koordinazzjoni u l-monitoraġġ ta' attivitajiet oħrajn u l-iskambji (ta' merkanzija, servizzi u informazzjoni) ma' ħaddiema, klijenti u provvedituri oħrajn, u jirrappreżentaw ġabra ta' diversi tipi ta' għarfien. Impjegati b'dan it-tip ta' ħiliet illum jirrappreżentaw bejn 25 u 50 % tal-forza tax-xogħol globali.

6.4.1

Jekk jixtiequ jsiru iktar kompetittivi, il-kumpaniji ma jistgħux ikomplu jiddependu fuq l-istandardizzar ta' l-impjegati tagħhom li jużaw interazzjonijiet taċiti jew jissostitwixxuhom b'magni. Għall-kuntrarju, iridu jneħħu l-barrieri fl-organizzazzjoni, joħolqu ambjent ta' fiduċja, mhux biss bejn l-impjegati iżda bejn l-impjegati u l-kumpanija nnifisha, u jagħtuhom s-setgħa li jieħdu d-deċiżjonijiet u li jikkomunikaw malajr u faċilment. Is-saħħa korporattiva b'hekk tinsab fl-għarfien kollettiv speċifiku għal kull intrapriża partikulari, li jinbena biż-żmien.

6.4.2

L-intrapriżi issa għandhom skop konsiderevoli għall-manuvrar fir-rigward tat-titjib fil-produttività tal-ħaddiema involuti f'interazzjonijiet taċiti, iktar milli għal kategoriji ta' ħaddiema oħrajn. Dan huwa rifless fid-differenza wiesgħa fil-prestazzjoni f'setturi bi proporzjon għoli ta' impjiegi ta' dan it-tip. Id-djalogu soċjali settorjali għandu rwol x'jaqdi hawnhekk fil-ħolqien ta' opportunitajiet għall-kumpaniji sabiex jaqsmu l-esperjenzi tagħhom, per eżempju permezz ta' seminars u studji.

6.4.3

Din l-enfasi fuq l-oqsma speċifiċi tal-kompetenza tal-kumpaniji tqajjem mistoqsijiet fir-rigward tal-flessigurtà, li tipprevedi forma ġenerika ta' taħriġ li tgħin lill-individwi sabiex isibu xogħol f'kumpanija oħra, possibbilment f'settur differenti minn dak li qegħdin iħallu.

7.   Effetti ta' lieva u riskju sistemiku

7.1

Il-buy-outs imwettqa minn ċerti tipi ta' private equities huma attività spekulattiva, ibbażata fuq id-dejn u l-kunċett riskjuż li jintużaw il-profitti ġġenerati mill-kumpanija identifikata sabiex jiġi rimborżat il-kapital misluf u jiġu ġġenerati profitti konsiderevoli fi żmien ħames snin.

7.2

Fil-pajjiżi ta' l-Ewropa kontintentali, dawn l-operati kienu jgħoddu għal 0.6 % tal-PGD fl-1995, u mhux inqas minn 3 % fl-2005 (32) (għar-Renju Unit, il-figuri huma 1 u 7 % rispettivament). Il-buy-outs illum jirrappreżentaw l-attività prinċipali (70 %) tal-private equities, filwaqt li l-kontribuzzjoni tal-kapital riskjuż qiegħda tonqos (5 % fl-2005).

7.2.1

Fit-tieni nofs ta' l-2006, is-sinjali ta' allarm mill-banek ċentrali (BĊE, Bank of England) u l-aġenzji tar-rating (Standard and Poor's) immultiplikaw minħabba l-attività kbira f'dan is-settur ($ 500 biljun) li, fl-2005, tella' $ 70 biljun iktar mis-snin preċedenti. Dawn osservaw riskju sistemiku li rriżulta minn żieda qawwija fid-dejn tal-kumpaniji flimkien ma' multiplikazzjoni ta' junk bonds, li kienu qegħdin jilħqu livelli inkwetanti.

7.2.2

Din hija dilemma għall-awtoritajiet monetarji, billi kwalunkwe żieda fir-rata mmirata lejn tnaqqis f'din l-attività tfisser ukoll it-tmiem ta' dawn il-kumpaniji li attwalment qegħdin ikomplu jaħdmu bis-saħħa ta' likwidità aggregata eċċessiva.

7.2.3

Il-buy-outs iqajmu żewġ mistoqsijiet oħra, differenti iżda kruċjali:

Meta l-operati jitwettqu permezz tal-ħolqien ta' holding, id-direttiva dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema ma tapplikax. Dan iwassal għal parteċipazzjoni mnaqqsa għal dawn l-impjegati, jiġifieri għal mijiet ta' eluf ta' ħaddiema fl-Ewropa.

Permezz ta' leveraged buy-outs (LBOs), il-fondi ta' investiment għandhom id-dritt li jkunu rappreżentati, f'isem il-kumpanija li jkunu xtraw, fuq il-bords maniġerjali ta' gruppi ewlenin Ewropej li huma attivi f'setturi essenzjali, bħall-industrija aerospazjali. Billi xi wħud mill-fondi li joriġinaw mill-Istati Uniti għandhom rabtiet partikularment stretti mal-gvern Amerikan u s-servizzi sigrieti, l-indipendenza teknoloġika, militari u politika ta' l-UE hija mhedda, fis-sens li post fuq il-bord maniġerjali jagħti aċċess għall-informazzjoni konfidenzjali (33).

7.3

B'mod ġenerali, hemm bosta żbilanċi li jistimolaw b'mod artifiċjali r-redditu medju tal-fondi ta' private equity. Minħabba li ma kellhom l-ebda obbligazzjoni ta' “rappurtar”, kienu biss dawk bl-aħjar prestazzjoni li ħarġu r-riżultati tagħhom, u l-fondi li sparixxew minħabba f'riżultati ħżiena tneħħew mill-bażi tad-data. Studju ta' Citygroup juri li wara li jitqiesu dawn l-elementi, ir-redditu kkalkolat fuq perijodu ta' 10 snin huwa iktar baxx minn portafoll ta' ishma “mid-cap”. Il-prestazzjoni kkomunikata hija saħansitra iktar baxxa meta jitqiesu l-ispejjeż tal-ġestjoni u ta' l-investiment f'dawn l-ishma illikwidi (34).

7.4

Il-hedge funds jirrappreżentaw industrija ta' US $ 1.5 triljun. Dawn il-fondi m'humiex ġodda, iżda saru iktar importanti matul dawn l-aħħar għoxrin sena. Dan is-settur qiegħed jiffaċċja pressjoni mill-investituri, bħall-fondi tal-pensjoni, sabiex isiru iktar trasparenti. Bħala tweġiba għal din il-pressjoni, ġiet żviluppata sistema ta' stima tal-kreditu u r-riskju minn diversi aġenziji tar-rating.

7.4.1

Fid-dawl tas-saħħa finanzjarja kolossali tagħhom, il-hedge funds min-naħa tagħhom jeżerċitaw influwenza enormi fuq is-swieq finanzjarji, ta' l-ishma u tal-flus. Din il-kwistjoni jistħoqqilha analiżi dettaljata:

Ir-regolaturi Amerikani, Ingliżi u Ewropej reċentement tennew it-tħassib tagħhom li l-banek ta' l-investiment jistgħu jippermettu lill-hedge funds sabiex iżidu l-kapaċità tagħhom għas-self billi jużaw kapital ta' garanzija relattivament illikwidu, li l-valur tiegħu jista', b'hekk, jaqa' b'rata mgħaġġla fil-każ ta' kriżi finanzjarja. Huma mħassba wkoll dwar l-istrutturi offshore li qegħdin jispekolaw fuq l-effett ta' lieva u jagħmluha possibbli għall-banek Amerikani li jestendu l-kreditu lill-hedge funds lilhinn mil-limiti legali.

Il-hedge funds huma attivi wkoll fis-settur “carry trade”, fi kliem ieħor f'operati fejn l-investituri jissellfu f'muniti b'interess baxx (bħall-yen jew il-frank Svizzeru) sabiex jinvestu f'muniti li jħallsu rati ta' interess ogħla (id-dollaru Awstraljan). Żieda fin-numru ta' banek, inkluż il-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali, u l-ekonomisti huma konvinti li dawn it-transazzjonijiet, li huma ta' profitt kbir għall-hedge funds, huma wieħed mill-fatturi li jikkontribwixxu għad-dgħjufija tal-yen, li f'Jannar laħaq l-iktar livell baxx fir-rigward tad-dollaru Amerikan f'erba' snin. Interess mhux mistenni fil-munita Ġappuniża (b'segwitu ta' rkupru fir-rata Ġappuniża b'riżultat tal-vitalità ta' l-ekonomija Ġappuniża) jista' jiddeġenera fi kriżi finanzjarja. Barclays Capital jistma li l-carry trade, li hija essenzjalment spekolattiva, bħalissa qiegħda fl-ogħla punt tagħha mill-kriżi Russa ta' l-1998 lil hawn.

7.5

Id-derivattivi jagħmluha possibbli għall-banek li jneħħu l-espożizzjoni għar-riskju billi jikkonvertuh fi prodotti finanzjarji kumplessi li huma l-oġġett tat-transazzjonijiet. B'hekk, ir-riskju jitqassam, iżda jinfirex fl-ekonomija fost atturi li jistgħu ma jkunux soġġetti għal regoli ta' prudenza.

7.5.1

Minkejja li l-probabbiltà statistika ta' kriżi finanzjarja maġġuri b'riperkussjonijiet sistemiċi naqset tul iż-żmien, għadu probabbli li jkun hemm kriżi u li l-ħsara tkun iktar serja minn dik tal-passat, partikularment fid-dawl tar-rabtiet iktar stretti bejn l-istituzzjonijiet u s-swieq li jirriżultaw mill-innovazzjonijiet finanzjarji li kkontribwew għal integrazzjoni aħjar tas-swieq u operati ta' għaqdiet u akkwisti fis-setturi bankarji u ta' l-assigurazzjoni (35).

7.5.2

Fid-dawl ta' l-effett ta' lieva li żdied matul dawn l-aħħar snin u li, skond id-definizzjoni tiegħu stess, ma jidhirx fil-karta tal-bilanċ, huwa impossibbli li jiġu stmati l-ammonti realment involuti u r-riskju li għalih hija esposta s-sistema ekonomika.

Brussell, is-26 ta' Settembru 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  CESE INT/332 “Reviżjoni tas-Suq Uniku”, 2007.

(2)  Direttiva 85/611/KEE tal-Kunsill ta' l-20 ta' Diċembru 1985 dwar il-koordinazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġislattivi, regolamentari u amministrattivi għal ċerti organizzazzjonijiet ta' investiment kollettiv ta' valur trasferibbli (OPCVM) — ĠU L 375, 31.12.1985, pp. 3-18.

(3)  Kif ħareġ mill-konferenza “Increasing financial capability” organizzata mill-Kummissjoni Ewropea f'Marzu 2007, ir-rapport ta' Sandler ippreżentat lill-Ministru tal-Finanzi Ingliż, Gordon Brown, jagħti diversi spunti interessanti għar-riflessjoni.

(4)  Ara l-ħidma mwettqa fil-qafas tal-United Nations Environment Programme Finance Initiative (UNEPFI), fost affarijiet oħra r-rapport “A legal framework for the integration of environmental, social and governance issues into institutionnal investment” (2005).

(5)  Ara b'mod partikulari l-ħidma mwettqa fil-qafas tal-United Nations Environment Programme Finance Initiative (UNEPFI), fost affarijiet oħra r-rapport “A legal framework for the integration of environmental, social and governance issues into institutional investment” (2005).

(6)  Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2003 li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni ta' l-impjegati fil-Komunità Ewropea — Dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni dwar ir-rappreżentazzjoni tal-ħaddiema — ĠU L 80. 23.3.2002, pp. 29-34.

(7)  Direttiva 2001/23/KE tal-Kunsill tat-12 ta' Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet ta' l-impjegati fil-każ ta' trasferiment ta' impriżi, negozji jew partijiet ta' impriżi jew negozji — ĠU L 82, 22.3.2001, pp. 16-20.

(8)  Ara, fost affarijiet oħra, Il-Futur tas-servizzi ta' interess ġenerali, OJ C 309, 16.12.2006.

(9)  “Fejn, f'każijiet eċċezzjonali, il-moviment tal-kapital lejn jew minn pajjiżi terzi joħolqu, jew jheddu li joħolqu diffikulatjiet serji għat-tħaddim ta' l-unjoni ekonomika u monetarja, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata fuq proposta tal-Kummissjoni u wara li jikkonsulta l-BĊE, jista' jieħu miżuri ta' salvagwardja rigward il-pajjiżi terzi għal żmien ta' mhux aktar minn sitt xhur, jekk dawk il-miżuri jkunu strettament meħtieġa.”

(10)  Inklużi 8 għat-transazzjonijiet kummerċjali internazzjonali.

Sors: François Morin, “Le Nouveau mur de l'argent: Essai sur la finance globalisée”, 2006.

(11)  Fi kliem iktar sempliċi, dawn huma xi karatteristiċi li jiffaċilitaw id-distinzjoni bejn il-hedge funds u l-private equities. Il-hedge funds jaħdmu fuq ishma attivi negozjabbli: ishma kif ukoll materja prima, derivattivi tal-kreditu, eċċ. Dawn jużaw bosta tipi ta' strateġiji sabiex jiksbu l-għan tagħhom li huwa dak ta' qligħ assolut. Meta jinvestu f'intrapriża, jikkuntentaw ruħhom b'persentaġġ baxx ta' ishma iżda jkunu attivi b'tali mod li jinfluwenzaw l-għażliet ta' l-intrapriża. Il-private equities iħarsu lejn il-valur li jistgħu jieħdu u jaħdmu prinċipalment bix-xiri ta' l-intrapriżi permezz tad-dejn. L-intrapriża li ma tibqax ikkwotata b'hekk ma tkunx soġġetta għall-obbligazzjonijiet ta' informazzjoni. Wara ftit snin, ineħħu l-investiment fl-intrapriża wara li jkunu rristrutturawha minn fuq s'isfel.

(12)  M. Aglieta, “The surge in private equity”, 2007.

(13)  James Shinn, “Private profit or public purpose? Shallow convergence on the shareholder model”, Princeton University, 2001. Jinkorpora studji li jkopru 14-il pajjiż: l-Istati Uniti, ir-Renju Unit; il-Belġju, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, l-Olanda, Spanja; iċ-Ċina, il-Korea t'Isfel, il-Malasja, is-Singapor u t-Tajwan; Roger M. Baker, “Insiders, outsiders, and change in European corporate governance”, University of Oxford, 2006.

(14)  J. Peyrelevade, “Le capitalisme total”, 2005, pp. 39-42.

(15)  BIPE. Il-proporzjon tal-ġid finanzjarju tal-familji investit fl-ishma, fondi mutwi, assigurazzjoni tal-ħajja u pensjonijiet żdied b'iktar mid-doppju fil-Ġermanja, l-Italja u Franza bejn l-1980 u l-1998, fejn kważi laħaq il-50 % fl-ewwel żewġ pajjiżi u 66 % fit-tielet. Fir-Renju Unit, minkejja l-fatt li ż-żieda bdiet minn livell ogħla, dawn il-prodotti komplew jiżdiedu minn 52 % sa 76 %.

(16)  BIPE, “La montée en puissance des investisseurs institutionnels: implications réglementaires Étude réalisée pour le Sénat français”, Jannar 2003.

(17)  Ara b'mod partikulari S. M. Bilger u K. F. Hallock “Mass layoffs and CEO turnover”, 2005 u Chicago Fed Letter “Assessing the impact of job losses on workers and firms”, April 2006.

(18)  Ministeru Daniż għall-Finanzi “Status pa SKATs kontrolindsats verdrrorende kapitalfondes overtagelse af 7 danske koncerner”, Marzu 2007.

(19)  Watson Wyatt, “Corporate directors give executive pay model mixed reviews”, Ġunju 2006.

(20)  D. Plihon, “Précarité et flexibilité du travail, avatars de la mondialisation du capital”, 2006.

(21)  COM(2003) 728 finali “Intejbu l-kwalità fix-xogħol: analiżi tal-progress reċenti”.

(22)  Filwaqt li l-kapital uman qiegħed jiġi enfasizzat dejjem iktar bħala fattur li jikkontribwixxi lejn il-kompetittività f'ekonomija ta' l-għarfien, huwa sorprendenti li ma jgħoddx bħala assi fil-kontabilità tal-kumpaniji.

(23)  L-Osservatorju Ewropew tal-Kondizzjonijiet tax-Xogħol, “Ir-raba' stħarriġ tal-kondizzjonijiet tax-xogħol”, 2007, p. 49.

(24)  Cf. § 6.4 u l-paragrafi ta' warajh.

(25)  L-Osservatorju Ewropew tal-Kondizzjonijiet tax-Xogħol, “Ir-raba' stħarriġ tal-kondizzjonijiet tax-xogħol”, 2007, p. 49.

(26)  Kummissjoni Ewropea, “The contribution of labour cost developments to price stability and competitiveness adjustment in the Euro Area”, Quarterly Report on the Euro Area, volum 6 nru 1, 2007.

(27)  Ara “US Survey of Consumer Finances” li joħroġ kull tliet snin.

(28)  It-tqassim tal-pagi f'ordni axxendenti u maqsum f'ħames partijiet ugwali, bl-istess numru ta' osservazzjonijiet.

(29)  Studji varji taw indikazzjoni f'din id-direzzjoni, fosthom T. Piketty, E. Saez, “The evolution of top incomes: a historical and international perspective”, American Economic Review, 2006.

(30)  Deutsche Bank Research, “Private equity in Europe”, Jannar 2005.

(31)  The McKinsey Quarterly, “Competitive advantage from better interactions”, 2006, nru 2.

(32)  Adrian Blundell-Wignall, “Private Equity Trends and Issues”, OECD, 2007.

(33)  B. Carayon, “Patriotisme économique: de la guerre à la paix économique”, 2006, p. 119.

(34)  House of Commons, Treasury Committee: “Private equity : tenth report of session 2006-07.”

(35)  Financial Times, 30 ta' Jannar 2007.


ANNESS

Għall-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Emendi rrifjutati

L-emenda li ġejja, li rċeviet anqas minn kwart tal-voti mitfugħa, ġiet irrifjutata waqt id-diskussjoni (Regola 54(3) tar-Regoli ta' Proċedura):

Punti 5.1 u 5.1.1

Biddel il-punti 5.1 u 5.1.1 bil-punt 5.1 li ġej:

“5.1

Minn banda, anke jekk fil-passat ir-remunerazzjoni għolja ta' l-azzjonisti spiss ġiet iġġustifikata bir-riskju involut fl-operati li fihom jinvestu l-kapital tagħ hom, ż viluppi li seħħew f'dawn l-aħħ ar snin qajmu dubji serji dwar il-bażi ta ' dan l-argument.

5.1.1

Fir-realtà, ir-responsabbiltà hija limitata għall-kontribuzzjonijiet tagħhom stess u l-kapaċità tan-negozjar ta' l-assi tagħhom, li hija marbuta mal-likwidità dejjem tikber tas-swieq finanzjarji u ta' l-ishma li tirriżulta mill-globalizzazzjoni tag ħhom u l-introduzzjoni ta' teknoloġiji ġodda, tnaqqas b'mod konsiderevoli l-livell ta' riskju li jkollhom, u fl-istess ħin tagħtihom ukoll kapaċità għal ħruġ u diversifikazzjoni mingħajr paragun.

5.1

Id-dividendi mħallsa lill-azzjonisti għandhom jikkonformaw mal-prestazzjoni tal-kumpanija.”

Raġuni

Iż-żewġ punti jidhru kritiċi wisq tar-rwol importanti li jaqdu l-azzjonisti fl-iżvilupp tal-kumpaniji. L-istqarrija li “ir-responsabbiltà hija limitata għall-kontribuzzjonijiet tagħhom stess” tidher li qiegħda tnaqqas l-impressjoni tar-riskju ta' l-investiment fis-swieq finanzjarji u ta' l-ishma. Barraminhekk, il-kriżi reċenti f'dawn is-swieq tikkontradixxi l-istqarrija li “l-introduzzjoni ta' teknoloġiji ġodda, tnaqqas b'mod konsiderevoli l-livell ta' riskju li jkollhom”. Il-limitazzjoni ta' dividendi mħallsa lill-azzjonisti jista' jkollha impatt negattiv fuq it-tendenzi tas-suq ta' l-ishma.

Votazzjoni:

Favur: 65

Kontra: 70

Astensjonijiet: 13


15.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 10/106


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Politiki ekonomiċi li jikkontribwixxu għall-istrateġija industrijali Ewropea”

(2008/C 10/24)

Nhar is-17 ta' Jannar 2007, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li jħejji Opinjoni proprja dwar Politiki ekonomiċi li jikkontribwixxu għall-istrateġija industrijali Ewropea.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-4 ta' Settembru 2007. Ir-rapporteur kienet is-Sinjura Florio.

Matul l-438 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-26 ta' Settembru 2007, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'129 vot favur, 2 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

L-għanijiet tat-tkabbir, l-innovazzjoni u l-impjieg, li reġgħu ngħataw l-attenzjoni fl-Aġenda ta' Lisbona tar-Rebbiegħa 2000, għandhom ikunu akkompanjati minn rivalutazzjoni u evalwazzjoni mill-ġdid tar-rwol tal-politiki industrijali fl-Ewropa. Filwaqt li jinżamm il-Patt ta' Stabilità u Tkabbir u sseħħ il-konsolidazzjoni tas-suq uniku, jenħtieġ li jinstabu mezzi ta' koordinazzjoni ta' azzjoni li jagħmluha possibbli għall-industrija Ewropea li taqdi rwol ċentrali fl-isforzi li jindirizzaw l-isfidi tal-globalizzazzjoni.

Setturi prijoritarji ta' interess Komunitarju jew sovranazzjonali għandhom jiġu identifikati fost l-objettivi strateġiċi u msaħħa permezz ta' l-użu ta' strumenti ekonomiċi adattati. Ir-responsabilità għall-istrateġiji industrijali fil-perijodu medju u fit-tul jaqgħu fl-isfera Ewropea, filwaqt li l-prattikalitajiet ta' l-implimentazzjoni għandhom ikunu f'idejn l-Istati Membri.

Il-munita unika u s-suq intern huma strumenti formidabbli iżda mhux għanijiet fihom infushom; l-għanijiet jibqgħu dawk stabbiliti mit-Trattat: progress ekonomiku u soċjali u livell ta' impjieg għoli.

Fid-dawl ta' dak kollu hawn fuq, il-KESE jemmen li f'termini ta' politiki ekonomiċi li jikkontribwixxu għall-istrateġija industrijali Ewropea, l-enfasi għandha tkun fuq l-oqsma li ġejjin:

1.2

Il-BEPG (Linji Gwida Ġenerali dwar il-Politika Ekonomika ) u l-Istrateġija ta' Lisbona. Il-BEPG, minkejja li huma gwida ta' politika ekonomika u għodda għall-koordinazzjoni, għandhom jintrabtu b'mod iktar qrib ma' l-inizjattivi ta' l-Aġenda ta' Lisbona u jipprovdu investiment fl-innovazzjoni u teknoloġiji ġodda fis-settur ta' l-industrija, li jqisu l-qagħda ekonomika ta' l-Istati Membri individwali.

1.3

Ir-rwol u l-politiki tal-Bank Ċentrali Ewropew. L-objettiv prinċipali ta' l-għażliet adottati mill-BĊE huwa l-kontroll ta' l-inflazzjoni u l-istabilità tal-prezzijiet. It-twettiq ta' dan l-objettiv jista' jnaqqas l-investimenti. Filwaqt li jqis l-objettivi prijoritarji, il-BĊE jista', fejn huwa possibbli, jadotta politika monetarja iktar flessibbli sabiex jitħeġġeġ l-investiment.

1.4

Ir-Rwol tal-BEI. Il-Bank Ewropew għall-Investiment għandu jagħmel kontribuzzjoni sinifikanti għall-koeżjoni ekonomika u soċjali u jsaħħaħ l-iżvilupp industrijali permezz ta' inċentivi għar-riċerka u l-iżvilupp. Il-Kummissjoni għandha tgħammar lilha nfisha b'għodod ġodda tal-politika makroekonomika sabiex tħeġġeġ l-iżvilupp u t-tkabbir industrijali.

1.5

Il-bżonn għal politiki fiskali aħjar. Fil-qasam tal-politika fiskali, hemm il-bżonn li titnaqqas il-burokrazija, partikularment għall-SMEs. Barraminhekk, l-inċentivi fiskali għandhom jintużaw sabiex iħeġġu l-kumpaniji jinvestu fir-riċerka u l-iżvilupp.

1.6

Ir-riskji ta' finanzjalizzazzjoni  (1) mhux regolata tal-kumpaniji. L-enfasi eċċessiva minn kumpaniji fuq attivitajiet finanzjarji u l-inċidenza dejjem tiżdied ta' l-investiment purament spekulattiv fl-industrija qiegħda thedded il-fibra industrijali, ta' sikwit tolqot il-produzzjoni, l-impjieg u l-koeżjoni soċjali: hemm bżonn li jiġu adottati miżuri li jirregolaw b'mod effettiv il-parteċipazzjoni tad-dinja finanzjarja fil-ħajja tal-kumpanija.

1.7

It-tnedija mill-ġdid tal-mudell industrijali Ewropew. Mod wieħed li bih jista' jiġi indirizzat it-tnaqqis fil-manifattura u r-rilokazzjoni tal-kumpaniji huwa t-tnedija mill-ġdid tal-mudell industrijali Ewropew, ikkaratterizzat minn distretti u setturi b'attività ekonomika ta' suċċess. Fi kwalunkwe każ, il-fibra industrijali teħtieġ infrastruttura fiżika kif ukoll immaterjali. Huwa fl-interess ta' l-UE kollha kemm hi li tiffinanzja dawn il-proġetti.

Barraminhekk, billi dawn is-servizzi, partikularment dawk iddestinati għas-sustenn tal-produzzjoni, jaqdu rwol ċentrali fl-ekonomija Ewropea, dawn irid ikollhom interazzjoni mad-dinja kummerċjali; fil-fatt huma d-demm essenzjali tagħha. Bil-maqlub, dawn malajr ifallu jekk is-settur ta' l-industrija jitlef id-dinamiżmu tiegħu.

1.8

Ir-riċerka, l-iżvilupp u l-proprjetà intellettwali. Huwa ċar li hemm bżonn ta' titjib fir-riżultati u l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp, peress li bħalissa jinstabu 'l bogħod mill-miri ta' l-Aġenda ta' Lisbona. Għal darb' oħra, l-UE trid issaħħaħ l-impenn finanzjarju tagħha. L-investiment fir-riċerka, taħt strateġija industrijali ġdida, għandu jqis il-miri ġodda ta' l-UE fir-rigward ta' l-emissjonijiet tas-CO2. Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali hija importanti wkoll għall-kompetittività u għall-kapaċità innovattiva ta' l-industrija Ewropea u għandha tiġi assigurata mill-istrumenti adattati ta' l-UE.

1.9

L-edukazzjoni u l-industrija. Wieħed qatt ma jista' jenfasizza biżżejjed kemm huma importanti l-interdipendenza u r-rabtiet reċiproċi bejn l-intrapriżi u l-edukazzjoni. L-iskejjel, l-universitajiet u l-istituzzjonijiet ta' l-edukazzjoni superjuri għandhom ikunu konxji tal-bżonn li l-istudenti jirċievu t-tip ta' taħriġ li jkun rilevanti għall-intrapriżi. Min-naħa tagħhom, l-intrapriżi għandhom jikkomunikaw il-bżonnijiet tagħhom lil dawn l-istituzzjonijiet. L-istabbiliment ta' Business Parks fil-kampus universitarji huwa eżempju kif jistgħu jittejbu dawn ir-rabtiet. Eżempju ieħor huwa li jissaħħaħ ir-rwol taċ-ċentri ta' eċċellenza Ewropej u f'aspetti oħrajn ir-rwol ta' l-Istitut Ewropew għat-Teknoloġija.

1.10

Id-djalogu soċjali — L-identifikazzjoni ta' sinerġiji u l-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati fit-twettiq tal-bidla strutturali jistgħu jgħinu sabiex il-bidla industrijali tkun soċjalment aċċettabbli, dejjem jekk l-imsieħba soċjali jkunu involuti sistematikament fl-antiċipazzjoni u l-ġestjoni tal-bidla, u jekk jinżamm l-objettiv doppju tat-titjib tal-kompetittività tan-negozji u t-tnaqqis ta' l-impatt soċjali negattiv. Fir-relazzjonijiet transkonfinali l-bidliet industrijali jistgħu jiġu ffaċilitati billi jitwaqqaf qafas transnazzjonali fakultattiv għan-negozjar kollettiv hekk kif imħabbar fl-aġenda soċjali 2005-2010. Il-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet jistgħu jikkontribwixxu wkoll: għandhom jittieħdu l-passi adegwati sabiex jissaħħu l-kompetenzi ta' dawk involuti fil-ħidma tagħhom sabiex dawn il-Kunsilli jkunu jistgħu jaqdu r-rwol tagħhom bħala attur ewlieni fil-proċess ta' konsultazzjoni u djalogu (2).

2.   Sfond

2.1

Il-bażi legali għall-implimentazzjoni ta' politika industrijali tal-Komunità tinstab fl-Artikolu 157 tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea (3) u hija mtennija f'numru ta' dokumenti importanti. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar Politika Industrijali f'Ambjent Miftuħ u Kompetittiv: Linji Gwida għal Aproċċ Komunitarju  (4), ippubblikata ftit tas-snin ilu, immarkat punt importanti fl-istorja tal-politika industrijali Ewropea. Din ġiet segwita minn dokumenti oħrajn (5): il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Politika Industrijali f'Ewropa wara t-Tkabbir (6), li semmiet l-opportunitajiet u l-konsegwenzi tat-tkabbir ippjanat ta' l-Unjoni Ewropea. Dokumenti importanti sussegwenti jinkludu l-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar Kwistjonijiet Prinċipali fil-Kompetittività ta' l-Ewropa  (7) u Nrawmu l-bidla strutturali: politika industrijali għal Ewropa imkabbra  (8). Iktar reċentement, il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni bl-isem ta': L-Implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju ta' Liżbona: Qafas ta' Politika għat-Tisħiħ ta' l-industrija tal-manifattura ta' l-UElejn strateġija iktar integrata għall-politika industrijali  (9), li ġiet segwita mir-Reviżjoni tal-politika industrijali ta' nofs it-terminu  (10).

2.2

L-introduzzjoni ta' l-euro bħala l-munita unika wasslet għall-ftehim dwar il-Patt ta' Stabilità u Tkabbir bejn il-pajjiżi parteċipanti, li ħalaq ħtieġa mill-ġdid għal koordinazzjoni aħjar ta' politiki ekonomiċi nazzjonali, partikularment politiki baġitarji.

It-tkabbir reċenti li ġabar il-pajjiżi ta' l-Ewropa ċentrali u tal-lvant, mill-banda l-oħra, ifisser sfida sinifikanti għall-futur ta' l-Ewropa u l-ħtieġa li jingħelbu d-differenzi bejn il-kuntesti varji ekonomiċi, soċjali u industrijali.

Il-politiki ta' l-UE kisbu objettivi importanti, partikularment fil-konsolidazzjoni tas-suq intern u iktar reċentement fir-rigward tal-moviment ħieles tas-servizzi.

L-attenzjoni mogħtija lil dawn il-prijoritajiet kollha (li jintlaħqu l-kriterji ta' Maastricht, ir-regolamentazzjoni tas-suq intern, ambjenti ekonomiċi u tal-manifattura partikularment diversi) kienet ta' ħsara għall-politika li tappoġġja l-potenzjal industrijali ta' l-UE.

2.3

Kontra dan l-isfond, il-politiki industrijali kellhom inqas importanza fl-istrateġija għat-tkabbir u l-impjieg. Dan minħabba li l-Istati Membri prattikament kważi ngħataw ir-riedni f'dan il-qasam, fejn ftehimiet sovranazzjonali jiġġeneraw ftit ritorn u l-koordinazzjoni ta' l-inizjattivi ta' l-UE hija rari. Minkejja l-impenji u d-dokumenti tul l-aħħar 25 sena ddisinjati sabiex jgħammru lill-UE b'politika industrijali li biha tkun tista' tinżamm aġġornata mas-saħħiet ekonomiċi dinjin il-kbar, ta' sikwit jidher li rebħu l-interessi nazzjonali. Sar ħafna xogħol sabiex titħaffef il-privatizzazzjoni u l-liberalizzazzjoni, li huma meqjusa bħala l-aħjar inċentivi għat-tkabbir ekonomiku, għad-detriment tal-politika ta' l-UE li tappoġġja s-settur industrijali u tal-manifattura.

2.4

Fid-dinja globalizzata tal-lum, hemm ħtieġa dejjem tikber għall-identifikazzjoni ta' l-istrateġiji industrijali Ewropej li huma fl-aħjar pożizzjoni li jwieġbu għall-kompetizzjoni globali, mhux biss mill-ekonomiji kbar bħall-Istati Uniti u l-Ġappun, iżda wkoll mis-saħħiet li qegħdin jiżviluppaw bħaċ-Ċina u l-Indja. Strumenti Komunitarji huma għalhekk meħtieġa sabiex jindirizzaw b'mod effettiv l-isfidi mill-bqija tad-dinja u sabiex l-UE jkollha vantaġġ fis-setturi strateġiċi.

2.5

Madankollu, it-tendenza fl-Ewropa tul dawn l-aħħar snin kienet li l-politika industrijali tiġi nazzjonalizzata mill-ġdid, partikularment f'ċerti setturi strateġiċi bħall-enerġija. Ir-riskju huwa li l-preferenza għal ċampjins nazzjonali iktar milli Ewropej, partikularment fis-setturi li jeħtieġu suq usa' u investiment ikbar, tista' fil-fatt tmur kontra l-interessi nazzjonali ta' l-Istati Membri.

2.6

Strateġiji fuq perijodu medju u fit-tul u l-politiki ekonomiċi ta' magħhom huma kwistjoni Ewropea, filwaqt li l-implimentazzjoni ta' dawn il-politiki u l-adattament tagħhom għad-deċiżjonijiet nazzjonali jridu jkunu, b'mod ċar, f'idejn l-Istati Membri biss.

2.7

Iffaċċjata b'saħħiet ekonomiċi ġodda fix-xena internazzjonali li huma iktar kompetittivi fil-produzzjoni ta' xogħol intensiv, l-istrateġija industrijali Ewropea għandha timmira għall-kwalità. Hemm bżonn li jiġi previst mhux biss liema ser ikunu dawk is-setturi ewlenin fil-produzzjoni b'livell għoli ta' teknoloġija, innovattiva u ta' kwalità, iżda wkoll l-identifikazzjoni ta' l-istrumenti ekonomiċi li jistgħu jsiru disponibbli għas-setturi industrijali u tal-manifattura li jirrappreżentaw l-interessi ta' l-Unjoni Ewropea kollha kemm hi.

3.   Bidu ġdid għall-politiki ekonomiċi ġodda ta' l-UE

3.1

Mill-bidunett, is-suq intern ta' l-UE kien il-forza mexxejja ta' l-integrazzjoni u t-tkabbir ekonomiku. L-euro, bħala munita unika, ta impetu addizzjonali għar-rwol tas-suq uniku, peress li b'hekk setgħu jsiru skambji iktar rapidi u sikuri u titjieb il-kompetizzjoni. Madankollu, kemm is-suq intern kif ukoll l-euro huma għodod iktar minn objettivi fihom infushom. L-objettivi huma dawk stabbiliti fit-Trattat u kkonfermati fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-21 u t-22 ta' Ġunju 2007: il-progress ekonomiku, il-koeżjoni soċjali u livell għoli ta' impjieg.

3.2

Wara prestazzjoni inkoraġġanti fit-tieni nofs ta' l-2003, l-ekonomija soffriet minn perijodu ta' riċessjoni fit-tieni nofs ta' l-2004, parzjalment bħala riżultat ta' fatturi esterni bħall-prezzijiet taż-żejt, li kienu milquta mill-kriżi internazzjonali, u tendenzi kummerċjali internazzjonali. Progress fl-2005, it-tkabbir żgħir ħafna fl-2006 u l-ewwel tliet xhur inkoraġġanti ta' l-2007 (11), jikkonfermaw li, fi kwalunkwe każ, ekonomija Ewropea li tkun iktar b'saħħitha ser tiddependi iktar u iktar fuq l-esportazzjoni u inqas u inqas fuq id-domanda interna (12).

3.3

Fil-Linji Gwida Ġenerali dwar il-Politika Ekonomika (BEPG) 2005-2008 (13), il-Kunsill semma l-istrumenti, il-prijoritajiet u l-politiki makroekonomiċi li għandhom jadottaw l-Istati Membri, kif ukoll riformi rrelatati, neċessarji għal strateġija industrijali sostenibbli.

3.4

Il-politiki makroekonomiċi ppreżentati mill-Kunsill fil-BEPG huma mmirati lejn titjib fit-tkabbir ekonomiku u l-impjieg, filwaqt li jenfasizzaw l-importanza ta' politiki ekonomiċi għas-stabilità fil-prezzijiet. Il-miżuri proposti għandhom jimmiraw li:

jassiguraw l-istabilità ekonomika, waqt li jżommu ma' l-objettivi fil-perijodu medju;

jassiguraw ekonomija u baġit li jistgħu jiġu ġġestjonati faċilment, inaqqsu id-dejn pubbliku u jsaħħu s-sistemi tal-pensjonijiet u ta' l-assigurazzjoni;

jitħeġġeġ it-tqassim effiċjenti tar-riżorsi, li jiffavurixxi l-infiq li jgħin l-iżvilupp tat-tkabbir ekonomiku, u li jippromovi t-tendenzi ta' pagi li jikkontribwixxu għall-istabilità ekonomika;

jippromovu iktar konsistenza bejn il-politiki makroekonomiċi, strutturali u ta' l-impjieg.

3.5

Il-politiki makroekonomiċi tal-Patt ta' Stabilità u Tkabbir għandhom jiġu kkoordinati b'mod iktar effettiv ma' l-objettivi ta' l-Istrateġija ta' Lisbona, sabiex tiġi żviluppata politika ekonomika unika għall-Unjoni Ewropea u ż-żona ta' l-euro. Ir-riforma tal-baġit Ewropew hija meħtieġa sabiex tirfed l-għażliet adattati ta' l-istrateġija ta' l-industrija, li jerġgħu jqassmu r-riżorsi lejn l-investiment li iktar iqanqal it-tkabbir (14).

4.   Investiment fl-Istrateġija ta' Lisbona

4.1

Fir-rigward tar-riformi bil-għan li jiżdied it-tkabbir u dawk l-iktar importanti minn lat industrijali, il-Kunsill irrefera għall-prijoritajiet li ġejjin:

it-titjib u t-tħeġġiġ ta' l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp, b'ripetizzjoni ta' l-objettiv ta' 3 % stabbilit f'Lisbona;

l-isfruttar tal-vantaġġ kompetittiv ta' l-industrija Ewropea permezz tat-tfassil ta' politika industrijali moderna u attiva, l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda, il-ħolqien ta' ambjent attraenti għall-industrija, il-multiplikazzjoni tal-fatturi għall-kompetittività fil-konfront tal-globalizzazzjoni, u t-trawwim ta' ċentri ta' l-intraprenditorija fl-UE, b'enfasi fuq il-kwalità;

it-tkabbir u t-tisħiħ tas-suq intern u l-applikazzjoni ta' politiki tal-kompetizzjoni b'mod iktar effettiv, parzjalment bit-tnaqqis fl-għajnuna mill-Istat;

il-promozzjoni ta' kultura intraprenditorjali u t-trawwim ta' l-SMEs;

it-titjib u l-investiment fl-infrastrutturi Ewropej bħala fattur ewlieni għat-tmexxija mingħajr tfixkil tal-mutur industrijali Ewropew.

4.2

Ir-rapport ta' Sapir ta' l-2003 (15) diġà kien ikkunsidra ħafna minn dawn l-objettivi, b'enfasi fuq il-ħtieġa li jiġi rrispettat il-Patt ta' Stabilità u Tkabbir. Fir-rigward tal-politika monetarja, ir-rapport ressaq l-argument li l-unika mod li bih tista' tinħoloq klima ideali għall-politika industrijali kien b'miżuri li żammew il-prezz tal-flus ikkontrollat u l-assigurazzjoni ta' stabilità makroekonomika fuq perijodu fit-tul.

4.3

Fl-Opinjoni tiegħu stess, il-KESE sejjaħ għall-BEPG sabiex jintrabtu b'mod iktar qrib ma' l-inizjattivi ta' l-Aġenda ta' Lisbona (16).

4.4

Madankollu, id-deċiżjonijiet tal-politika makroekonomika għadhom żbilanċjati ferm. Hemm enfasi qawwija fuq il-ġlieda kontra l-inflazzjoni u l-istabilità tal-prezzijiet, u l-Bank Ċentrali Ewropew juża r-rati ta' l-interessi b'mod ħafif wisq iżda bi ftit flessibilità u xi kultant għal raġunijiet li huma diffiċli li jinftehmu. Waqt perijodi ta' tkabbir qawwi (1999-2000) il-BĊE prattikament irdoppja r-rati ta' l-interessi, iżda dam ħafna sabiex inaqqashom tul is-snin twal ta' tkabbir dgħajjef. Politika monetarja flessibbli kkombinata ma' politiki fiskali identifikati (kontrolli iebsin u investiment pubbliku) jistgħu jkunu fatturi ta' suċċess fl-assigurar ta' tkabbir sostenibbli fuq perijodu fit-tul fis-sistema Ewropea.

4.5

Il-BĊE huwa responsabbli għaż-żamma ta' l-istabilità monetarja u l-kontroll ta' l-inflazzjoni. Dawn il-politiki jistgħu madankollu jsiru ostakoli għat-tkabbir ekonomiku fil-pajjiżi li adottaw l-euro u għaldaqstant jaġixxu bħala mezz ta' waqfien fuq il-15-il pajjiż l-ieħor “konverġenti.” Dan huwa għaliex il-politiki tal-BĊE jridu jiġu koordinati b'mod iktar effettiv mal-politiki makroekonomiċi ta' l-UE. Huwa ċar li d-deċiżjonijiet tal-BĊE għandhom jagħtu kunsiderazzjoni xierqa lill-fatt li minkejja li munita b'saħħitha jkollha effett pożittiv fuq l-importazzjoni, li jagħmluhom orħos, l-esportazzjoni qiegħda tiġi penalizzata.

4.6

Fix-xhur reċenti kien hemm tkabbir modest iżda inkoraġġanti fl-UE. Dan it-tkabbir ġie bbilanċjat minn esportazzjoni lejn swieq oħra. M'hemm l-ebda dubju li din hija ħaġa tajba, iżda hija fil-fatt id-domanda interna li għandha bżonn tiġi sostnuta jekk it-tkabbir fis-suq intern ser ikun sostenibbli u sod. Il-politiki tal-pagi jgħinu wkoll fis-sostenn u t-tisħiħ tad-domanda interna, billi jagħtu spinta lill-ekonomija u jtejbu l-prestazzjoni, filwaqt li jipproteġu kontra l-inflazzjoni baxxa żżejjed jew waqgħa fil-prezzijiet.

5.   Politiki fiskali aħjar ibbażati fuq ftehim komuni

5.1

Strateġija miftehma, li tinkorpora politiki fiskali tista' tassigura l-introduzzjoni ta' miżuri ta' appoġġ għall-iżvilupp industrijali u għat-tisħiħ globali ta' l-ekonomija Ewropea. Filwaqt li hemm bżonn li titnaqqas il-burokrazija eċċessiva li hija ta' piż għall-kumpaniji, b'mod partikulari l-SMEs, hemm bżonn ukoll li l-leġislazzjoni tittejjeb permezz tas-semplifikazzjoni, li tassigura kemm it-trasparenza kif ukoll il-konformità rigoruża. Sistema fiskali li hija ekwitabbli u ridistributtiva, b'konformità mat-tendenzi tat-tkabbir, u li tippromovi l-koeżjoni, hija lieva importanti għat-tkabbir, l-impjieg u l-produttività.

5.2

Il-fenomenu tat-tkabbir tal-finanzjalizzazzjoni (17) tal-kumpaniji jista' jkollu riperkussjonijiet negattivi għas-settur industrijali u tal-manifattura. L-impatt ta' din is-sitwazzjoni huwa serju kemm għad-distribuzzjoni tad-dħul u l-ġid kif ukoll f'termini ta' l-iżvilupp ekonomiku u l-impjieg.

5.3

Hemm bżonn ta' iktar trasparenza u regolamentazzjoni aħjar fil-livell ta' l-UE għar-raġunijiet prinċipali li ġejjin: 1) il-hedge funds jirrappreżentaw strument ta' riskju għoli fis-suq finanzjarju; 2) għadha mhix qiegħda tingħata biżżejjed attenzjoni u ħarsien lill-investituri individwali; 3) regoli effettivi jistgħu jħarsu kemm lis-suq kummerċjali u dak finanzjarju, kif ukoll lill-investituri u l-faddala. Għalhekk, hemm bżonn ta' regolamentazzjoni trasparenti u effettiva fil-livell ta' l-UE sabiex jiġi assigurat li l-investituri jirċievu informazzjoni adegwata u komprensiva. L-adozzjoni tad-Direttiva dwar is-Swieq ta' l-Istrumenti Finanzjarji (MIFID) kienet pass importanti għall-ħarsien ta' l-investituri, kemm jekk huma intrapriżi jew persuni naturali.

5.4

L-UE u l-Istati Membri għandhom għalhekk jgħammru lilhom infushom bi strumenti effettivi sabiex iħarsu lill-ekonomiji tagħhom minn spekulazzjoni u attenzjoni eċċessiva fuq l-attivitajiet finanzjarji mil-lat tal-gruppi industrijali u ekonomiċi, li, iktar milli jkunu ta' benefiċċju għall-ġid u l-benessri tal-pajjiż, jippreżentaw periklu ġenwin għall-koeżjoni soċjali u l-impjieg.

6.   Investiment f'setturi ewlenin

6.1

Il-kumpaniji li ser jaqdu rwol ewlieni fil-futur ċertament ser ikunu dawk li għandhom x'jaqsmu ma' teknoloġija avvanzata bħall-enerġija alternattiva, it-teknoloġija bijo u nano, l-aerospazju u l-aeronawtika, il-multimidja u t-telekomunikazzjonijiet. Dawn is-setturi kollha huma intensivi fil-kapital iktar mix-xogħol u għaldaqstant jeħtieġu forza tax-xogħol b'livell ta' ħiliet għoli.

6.2

Is-setturi tradizzjonalment b'saħħithom ta' l-industrija Ewropea (il-vetturi, l-għodod domestiċi, eċċ.) jeħtieġu l-appoġġ ta' produzzjoni ta' kwalità għolja. Il-politika ekonomika Ewropea għandha għalhekk tuża strumenti diretti u indiretti sabiex tħeġġeġ il-proġetti Ewropej prinċipali f'dawn l-oqsma.

6.3

Kif enfasizza l-President tal-BEI, Philippe Maystadt, fl-indirizz tiegħu lill-KESE, “ir-rwol ewlieni tal-BEI huwa li jippromovi l-koeżjoni ekonomika u soċjali, u għal dan il-għan qegħdin nipprijoritizzaw l-investiment fl-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza ta' l-enerġija, ir-riċerka u l-iżvilupp, u s-sigurtà u d-diversità tal-provvista tagħna ta' l-enerġija”. Fl-istess ħin, inizjattivi bħall-programm JASPERS huma mmirati lejn il-preparazzjoni ta' proġetti fir-rigward tan-netwerks tat-trasport, l-ambjent u s-saħħa.

6.4

Jeżistu kumpaniji li jużaw ammont intensiv ta' enerġija li huma fundamentali għall-fibra industrijali ta' l-Ewropa. Dawn l-industriji primarji Ewropej għandhom jitħarsu fil-livell Komunitarju, billi jiġu kkoordinati l-politiki industrijali ta' l-Istati Membri sabiex jiġu żviluppati miżuri transizzjonali u fuq perijodu itwal, u fejn jenħtieġ ta' natura settorjali. Madankollu, għandha tingħata attenzjoni wkoll lill-miri bażiċi għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet CO2 fil-ġlieda tat-tisħin globali; hawnhekk hawn opportunità għar-rikonċiljazzjoni bejn il-bżonn għat-tkabbir tas-suq u t-tħassib attwali dwar il-bidla fil-klima. B'konformità ma' dawn l-objettivi, l-UE għandha tieħu rwol ewlieni fin-negozjati internazzjonali dwar il-konformità ma' Kyoto u l-protezzjoni tar-regolament reċenti REACH.

6.5

Ċerti industriji diġà jinstabu milquta ħafna minn migrazzjoni inkwetanti ta' attivitajiet. Kull sforz huwa meħtieġ sabiex jiġi assigurat li l-għeluq ta' unitajiet tal-produzzjoni joħolqu l-inqas trawma possibbli għall-ħaddiema u għall-benessri tar-reġjuni kkunċernati. Madankollu, it-tweġiba ma tistax tkun sempliċement waħda ta' trażżin. L-objettiv globali jrid ikun li l-kumpaniji jkunu jistgħu jadattaw, u li l-ħaddiema jingħataw taħriġ kontinwu sabiex ikunu jistgħu jibqgħu fis-suq tax-xogħol minħabba l-ħiliet tagħhom.

7.   Politiki territorjali

7.1

Għall-iżvilupp ibbilanċjat madwar il-Komunità kollha, hemm bżonn ta' inċentivi nazzjonali u ta' l-UE sabiex kumpaniji jitħeġġu jagħmlu investimenti addizzjonali, mhux biss alternattivi, sabiex jestendu l-bażi tagħhom tal-klijenti u jistfruttaw il-benefiċċji tas-suq intern, li issa tinkludi wkoll l-Istati Membri l-ġodda. Fibra industrijali Ewropea magħmula minn distretti industrijali ta' suċċess u setturi ta' attività ekonomika għadha mudell rilevanti ħafna u waħda li tista' tkun kompetittiva saħansitra fil-konfront ta' l-isfidi tal-ġejjieni, partikularment f'ċerti setturi tal-manifattura.

7.2

Il-Kummissjoni nfisha (18) enfasizzat it-tendenza lejn id-deindustrijalizzazzjoni u r-rilokazzjoni, fenomeni li huma parzjalment marbuta ma' xulxin. M'hemm l-ebda dubju li l-ekonomija Ewropea għaddiet minn trasformazzjoni enormi tul dawn l-aħħar għexieren ta' snin: is-sehem ta' l-industrija tal-manifattura fil-produzzjoni ta' l-UE tbaxxa minn 30 % fl-1970 għal 18 % fl-2001, bi tkabbir splossiv b'mod parallel fis-settur tas-servizzi li tela' minn 52 % għal 71 %. Ir-rilokazzjoni tolqot l-iktar industriji b'livell baxx ta' teknoloġija u bi grad intensiv ta' xogħol; iżda l-periklu veru huwa li attivitajiet fir-riċerka u l-iżvilupp jistgħu jiġu rilokati wkoll lilhinn mill-fruntieri Ewropej, u dan diġà qiegħed iseħħ. L-aħħar ċifri dwar l-ordnijiet industrijali ġodda, ippubblikati mill-Eurostat fl-aħħar ta' April 2007, huma tat-tħassib ukoll (19).

7.3

L-industrija tal-manifattura minn dejjem kienet u ser tkompli tkun is-sinsla ta' l-ekonomija Ewropea. Bosta setturi jiddependu fuq bażi industrijali soda, inkluż is-settur tas-servizzi: l-abbandun ta' din il-bażi ikun ta' ħsara billi din għandha potenzjal enormi u ħafna vantaġġi (20). Filwaqt li r-rilokazzjoni barra l-UE seħħet f'ċerti industriji ta' xogħol intensiv, huwa essenzjali li l-qalba tal-produzzjoni industrijali, li tirrappreżenta l-valur miżjud għoli ta' l-ekonomika tagħna, tibqa' hawnhekk fl-Ewropa.

7.4

Ħarsa lejn il-kumpaniji globali bl-ogħla rata ta' bejgħ turi s-saħħa sostnuta tal-manifattura fl-ekonomija moderna. Barraminhekk, l-iktar linja dinamika u innovattiva, saħansitra tas-settur terzjarju — li qiegħed jikber u ser ikompli jikber — hija s-servizzi għall-industrija (21).

7.5

Tul dawn l-aħħar snin, il-Kummissjoni Ewropea ħadet numru ta' impenji fl-appoġġ ta' setturi industrijali varji; ħalli nikkunsidraw tnejn bħala eżempju. L-industrija awtomotiva, tradizjonalment fergħa b'saħħitha ta' l-industrija Ewropea, li tgħodd għal 3 % tal-PGD Ewropew u 7 % ta' l-impjiegi fis-settur tal-manifattura, dan l-aħħar ġibdet l-attenzjoni tal-Kummissjoni. Il-Komunikazzjoni tagħha, CARS 21 (22), hija sforz għat-tnedija ta' strateġija komprensiva għall-industrija awtomotiva Ewropea, bil-għan li tiġi assigurata l-produzzjoni tal-vetturi fuq perijodu fit-tul, bl-aħjar prezzijiet għall-konsumaturi. Id-dokument ikopri numru ta' aspetti, bħat-tnaqqis ta' spejjeż amministrattivi, is-sostenibilità ambjentali, is-sigurtà fit-triq, il-kummerċ estern u r-riċerka. Il-Kummissjoni tidher li ntebħet li l-industrija awtomotiva u l-anċillari tagħha huma ċentrali għall-ekonomija Ewropea u għaldaqstant jeħtieġu strumenti ta' koordinazzjoni fil-livell Ewropew bħala gwida għall-iżvilupp tagħhom.

7.6

Is-settur tat-tessuti huwa qasam ieħor li fih l-istituzzjonijiet Ewropej ħadu miżuri ad hoc. Huwa vulnerabbli b'mod partikulari peress li huwa sensittiv immens għall-konsegwenzi tal-kompetizzjoni internazzjonali. Il-Kunsill tal-Kompetittività fis-27 ta' Novembru diġà enfasizza l-importanza li tiġi assigurata interazzjoni effettiva bejn il-politiki Komunitarji, speċjalment permezz ta' miżuri għar-riċerka, l-innovazzjoni u t-taħriġ u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Kmieni fl-2004, il-Kummissjoni waqqfet grupp ta' livell għoli (GLO) għas-settur tat-tessuti u ta' l-ilbies, bil-kariga li jagħmel rakkomandazzjonijiet fuq serje ta' inizjattivi prattiċi fil-livell reġjonali, nazzjonali u Ewropew (23).

7.7

F'Novembru 2003, il-Kummissjoni nediet ukoll l-Inizjattiva għat-Tkabbir Ewropew, bil-għan li tagħti spinta lill-irkurpu ekonomiku fl-UE. Din tinkludi il-“Quick Start Programme” għal proġetti ta' investiment pubbliku u privat irrelatati ma' l-infrastruttura, in-netwerks u l-għarfien, bil-għan li jitqanqal il-ħolqien ta' sħubijiet pubbliċi/privati, b'kooperazzjoni mal-Bank Ewropew ta' l-Investiment. Dan il-proġett jistħoqqlu l-appoġġ, partikularment fid-dawl ta' l-objettivi ekonomiċi, soċjali u tal-protezzjoni ambjentali mwaqqfa mill-Unjoni Ewropea f'dawn l-aħħar snin.

7.8

Il-Fond Soċjali Ewropew jista' jiġi definit bħala wieħed minn dawk l-istrumenti ddisinjati sabiex jgħinu t-transizzjoni fis-setturi milquta mill-bidla strutturali. Huwa mgħammar partikularment għal politiki attivi fis-suq tax-xogħol, it-taħriġ u l-aċċess għas-suq tax-xogħol. Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali jsostni l-kompetittività, l-identifikar tar-riċerka, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-infrastruttura. Il-programmi tal-fondi strutturali jistgħu jilħqu l-għan tagħhom biss jekk l-atturi soċjo-ekonomiċi jkunu involuti biżżejjed fil-proċess ta' programmar, skond il-prinċipju ta' l-isħubija.

8.   Ir-riċerka u l-iżvilupp

8.1

Ġie pprovat li r-riċerka u l-iżvilupp huma kondizzjonijiet neċessarji għat-tkabbir ekonomiku u l-istrateġiji industrijali. L-istituzzjonijiet ta' l-UE għamlu ħafna sforzi sabiex jippromovu, iħeġġu u jtejbu r-riżultati u l-investiment fl-innovazzjoni, dejjem jenfasizzaw l-importanza ta' dawn l-affarijiet.

8.2

L-Aġenda ta' Lisbona stabbilixxiet għall-Istati Membri kollha, l-objettiv li jinvestu 3 % tal-PGD fir-riċerka u l-iżvilupp. Dan il-għan jidher li għad fadal sabiex jintlaħaq, u tul dawn l-aħħar snin ġie osservat li dawk l-Istati bi tradizzjoni li jinvestu komplew filwaqt li l-oħrajn ma żiedux kif mistenni (24). Miżuri fiskali ad hoc jistgħu jiġu użati wkoll bħala inċentivi għall-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp.

8.3

Kif jenfasizza r-rapport ta' Sapir, l-investiment ta' l-Unjoni Ewropea fir-riċerka u l-iżvilupp huwa notevolment differenti minn dak ta' l-Istati Uniti. Id-differenza m'hijiex biss fir-riżorsi identifikati għar-riċerka u l-iżvilupp fis-setturi pubbliċi u privati; l-Ewropa għandha inqas riċerkaturi, inqas pubblikazzjonijiet xjentifiċi, inċidenza iktar baxxa ta' prodotti b'livell għoli ta' teknoloġija fis-suq internazzjonali, u tirreġistra inqas brevetti u tipproduċi inqas start-ups ta' suċċess mill-Istati Uniti (25).

8.4

Fil-Green Paper tagħha dwar L-Ispazju Ewropew tar-Riċerka: Perspettivi Ġodda  (26), il-Kummissjoni pproponiet strateġija sabiex jingħeleb il-falliment attwali tal-ftehim dwar il-brevett Komunitarju, u qegħdin jitħejjew inizjattivi għall-appoġġ tal-ħolqien ta' swieq mexxejja (lead markets) Ewropej f'setturi promettenti ta' teknoloġija intensiva.

8.5

Il-bżonn ta' korp koordinattiv b'saħħtu fi ħdan il-Programm Komuni ta' Riċerka u l-Programm ta' Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni, sabiex jiffoka iktar fuq l-istrateġiji industrijali, qiegħed jinħass iktar minn qatt qabel.

8.6

L-appoġġ għar-riċerka għadu, il-biċċa l-kbira, kwistjoni ta' politika nazzjonali, iżda jeżistu eżempji pożittivi ta' inizjattivi ta' riċerka Ewropej: il-maġġoranza ta' l-ekonomisti jiddeskrivu l-konsorzju ta' l-Airbus u l-impriża konġunta ta' l-STMicroelectronics bħala xempju ta' suċċess Ewropew, eżempji rari ta' koordinazzjoni sovranazzjonali li huma kompetittivi fuq livell globali f'setturi ta' teknoloġija kumplessa. Il-fond għall-innovazzjoni jista' jkun fattur fil-ħolqien ta' konsorzji industrijali Ewropej, li jgħinu jżidu n-numru ta' stejjer ta' suċċess sovranazzjonali.

8.7

Il-fibra industrijali ideali teħtieġ l-infrastruttura, u qabel kollox waħda Ewropea. L-għan għalhekk għandu jkun it-titjib u t-tisħiħ ta' l-infrastruttura soda, bħan-netwerks tat-trasport u ta' l-IT, il-portijiet, il-passaġġi tat-trasport u t-trasportaturi, u wkoll l-infrastruttura immaterjali, b'enfasi fuq it-taħriġ u l-koordinazzjoni ta' l-unversitatjiet u ċ-ċentri tat-taħriġ, li huma daqstant importanti partikularment fid-dawl ta' l-isfidi fuq perijodu fit-tul.

8.8

Rabta b'saħħitha bejn l-akkademja, ir-riċerka u d-dinja tal-kummerċ hija essenzjali f'dan ir-rigward. Għaldaqstant, huwa meħtieġ approċċ strateġiku, li jassigura li l-istudenti huma mgħammra bil-ħiliet neċessarji sabiex jidħlu fil-post tax-xogħol. B'żieda ma' dan, l-investiment pubbliku u privat ser ikun meħtieġ sabiex jassigura l-iżvilupp li qiegħed jiżdied ta' ċentri ta' eċċellenza b'rabta universitarja li ser jirrappreżentaw post tat-trawwim għall-intraprendituri futuri.

8.9

Barraminhekk, ta' min jiftakar li s-seba' programm ta' qafas ta' l-UE għall-2007-2013 (27) żied il-baġit u ma nsiex l-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju, billi alloka EUR 1.3 biljun għall-:

provvista ta' appoġġ għal gruppi żgħar ta' kumpaniji innovattivi sabiex jiġu riżolti problemi komuni rrelatati mat-teknoloġija;

garanzija ta' finanzjament ta' 75 % għar-riċerka u l-iżvilupp fl-SMEs (għall-kuntrarju ta' 50 % fis-sitt programm ta' qafas);

l-iżvilupp u l-koordinazzjoni ta' l-appoġġ għall-SMEs fil-livell nazzjonali.

Brussell, is-26 ta' Settembru 2007.

Il-President

ttal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Finanzjalizzazzjoni: “id-dominanza li qiegħda tikber ta' l-industrija finanzjarja fit-total ta' l-attività ekonomika, ta' kontrollaturi finanzjarji fil-ġestjoni tal-korporazzjonijiet, ta' l-assi finanzjarj fost l-assi totali, tat-titoli fis-suq u partikularment ta' ekwitajiet fost l-assi finanzjarji, tas-suq ta' l-ishma bħala suq għall-kontroll korporattiv fid-determinzzjoni ta' l-istrateġiji korporattivi, u tal-fluttwazzjonijiet fis-suq ta' l-ishma bħala determinant taċ-ċikli ta' l-intrapriża”, mill-Wikipedia.

(http://en.wikipedia.org/wiki/Financialisation).

(2)  Id-djalogu soċjali u l-parteċipazzjoni ta' l-impjegati, essenzjali għall-antiċipazzjoni u l-ġestjoni tal-bidla industrijali u t-Twettiq tal-Programm Komunitarju ta' Lisbona: Qafas ta' politika għat-tisħiħ tal-manifattura fl-EUlejn approċċ iktar integrat għall-politika industrijali, ĠU C 24, 31.1.2006; Politika ta' Koeżjoni bħala Sostenn għat-Tkabbir u għall-Impjiegi:Il-Linji Gwida Strateġiċi tal-Komunità, 2007-2013, ĠU C 185, 8.8.2006.

(3)  B'mod partikulari, Artikolu 157(2) jistqarr li “L-Istati Membri, għandhom jikkonsultaw ma' xulxin, b'konnessjoni mal-Kummissjoni u, fejn meħtieġ, għandhom jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni tista' tieħu kull inizjattiva utli biex tippromwovi dik il-koordinazzjoni”.

(4)  COM(1990) 556.

(5)  Ara per eżempju dawn iż-żewġ Komunikazzjonijiet mill-Kummissjoni Ewropea fis-snin disgħin: Politika għall-Kompetittività Industrijali għall-Unjoni Ewropea, COM(194) 319, u Il-Kompetittività ta' l-Intrapriżi Ewropej fil-Konfront tal-Globalizzazzjoni — Kif tista' tiġi mħeġġa, COM (1998) 718.

(6)  COM(2002) 714.

(7)  COM(2003) 704.

(8)  COM(2004) 274.

(9)  COM(2005) 474.

(10)  COM(2007) 374.

(11)  Ara l-istqarrija ta' l-Eurostat Nru 64/2007 (15 ta' Mejju 2007).

(12)  Ara l-istqarrija ta' l-Eurostat Nru 50/2007 (12 ta' April 2007).

(13)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2005/601/KE tat-12 ta' Lulju dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi ta' l-Istati Membri u tal-Komunità (2005 sa 2008), ĠU L 205 6.8.2005, p. 28.

(14)  Ara l-laqgħa ta' ħidma tal-Grupp ta' l-Aġenda ta' Lisbona dwar l-iżvilupp ta' l-Aġenda ta' Lisbona fil-livell Ewropew — Brussell, 17 ta' Novembru 2006, Rapport ta' Sintesi ta' Maria Joao Rodrigues.

(15)  An Agenda for a Growing EuropeMaking the EU Economic System Deliver, André Sapir et al, Lulju 2003.

(16)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar il-linji gwida ġenerali tal-politika ekonomika u l-gvernanza ekonomika, ĠU C 324, 30.12.2006, p. 49.

(17)  Ara nota 1.

(18)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew: Kwistjonijiet Ewlenin fil-Kompetittività ta' l-Ewropa — Lejn Approċċ Integrat COM(2003) 704.

(19)  Stqarrija ta' l-Eurostat Nru 56/2007, 24 ta' April 2007.

(20)  L-importanza fundamentali ta' settur industrijali b'saħħtu u vigoruż fl-Ewropa hija mtennija mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha “L-Implimentazzjoni tal-Programm komunitarju ta' Lisbona: Politika ta' Qafas sabiex tissaħħaħ il-manifattura ta' l-UE — lejn approċċ iktar integrat għall-politika industrijali” COM(2005)474 finali, 5 ta' Ottubru 2005, u l-Opinjoni KESE dwar il-Komunikazzjoni, ĠU C 185, 8.8.2006, p. 80.

(21)  Għall-importanza tas-servizzi għall-produzzjoni u l-interazzjoni tas-servizzi ma' l-industriji tal-manifattura Ewropej, ara l-Opinjoni KESE dwar “Is-servizzi u l-industrija tal-manifattura Ewropea: Interazzjonijiet u impatti fuq l-impjieg, il-kompetittività u l-produttività”, ĠU C 318, 23.12.2006, p. 26.

(22)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: “Qafas Regolatorju Kompetittiv tal-Karozzi għas-Seklu 21, Pożizzjoni tal-Kummissjoni għar-Rapport Finali tal-Grupp ta' Livell Għoli CARS 21, Kontribuzzjoni għall-Iżvilupp ta' l-UE u l-Istrateġija ta' l-Impjiegi”, COM(2007) 22 finali.

(23)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsilll, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-industriji tat-tessuti u l-ilbies wara l-2005Rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Livell Għoli għall-industriji tat-tessuti u l-ilbies, COM(2004) 668 finali.

(24)  Ara l-ħidma tal-Grupp ta' Lisbona tal-KESE, b'mod partikulari ir-Riżoluzzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija mġedda ta' Lisbona, tal-15 ta' Frar 2007, CESE 298/2007.

(25)  COM(2006) 728 finali.

(26)  COM(2007) 161 finali.

(27)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar il-“Proposta ta' deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li twaqqaf Programm ta' qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007-2013),”ĠU C 65, 17.3.2006, p. 22.


15.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 10/113


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku Soċjali Ewropew dwar

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Il-koordinazzjoni tas-sistemi fiskali diretti ta' l-Istati Membri fis-Suq Intern dwar

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Trattament fiskali tat-telf f'sitwazzjonijiet transkonfinali dwar

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — It-tassazzjoni tal-ħruġ u l-bżonn ta' koordinazzjoni tal-politiki fiskali ta' l-Istati Membri

COM(2006) 823 finali

COM(2006) 824 finali — {SEC(2006) 1690}

COM(2006) 825 finali

(2008/C 10/25)

Nhar id-19 ta' Diċembru 2006, il-Kummissjoni iddeċiediet, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew - Il-koordinazzjoni tas-sistemi fiskali diretti ta' l-Istati Membri fis-Suq Intern dwar

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew - Trattament Fiskali tat-Telf f'Sitwazzjonijiet Transkonfinali dwar

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew - It-tassazzjoni tal-ħruġ u l-bżonn ta' koordinazzjoni tal-politiki fiskali ta' l-Istati Membri

Is-sezzjoni speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-4 ta' Settembru 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Nyberg.

Matul l-438 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-26 u s-27 ta' Settembru 2007 (seduta tas-26 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'168 vot favur, 2 voti kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Fir-rigward ta' l-għanijiet u l-approċċ ta' l-isforzi fil-qasam tat-tassazzjoni u s-suq intern, il-KESE japprova l-opinjoni tal-Kummissjoni li l-objettivi fiskali jistgħu jintlaħqu u l-bażi tat-tassazzjoni tista' tiġi protetta permezz tal-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri. Din tista' wkoll tnaqqas l-ispejjeż tal-konformità u tneħħi ostakoli bħad-diskriminazzjoni u t-tassazzjoni doppja.

1.2

Il-Kummissjoni qiegħda tagħżel kliemha bir-reqqa f'dawn il-komunikazzjonijiet, b'espressjonijiet bħal “tipproponi li tippreżenta”, jew “tipproponi li tippreżenta … fil-futur viċin …”, eċċ. Il-KESE jemmen li l-inizjattivi proposti tal-Kummissjoni huma parti loġika mill-programm ta' ħidma ta' tassazzjoni. Dawn huma oqsma problematiċi fejn tidħol l-attività transkonfinali.

1.3

Madankollu, l-approċċ kawt tal-Kummissjoni jagħmilha diffiċli għall-qarrej. Id-deskrizzjonijiet tas-sitwazzjonijiet varji huma fil-qosor ħafna u l-interpretazzjonijiet legali huma tentattivi. Konsegwentement, kwalunkwe reazzjonijiet għall-ideat espressi fil-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni għandhom jitrattaw iktar dwar l-affarijiet fundamentali milli l-adozzjoni ta' xi pożizzjoni speċifika. Diskussjonijiet mar-rappreżentanti tal-Kummissjoni urew ukoll li l-Komunikazzjonijet jistgħu jitqiesu iktar bħala rapport dwar il-ħidma usa' tal-Kummissjoni.

1.4

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li filwaqt li m'huwiex ideali li s-sistemi domestiċi ta' eżenzjoni għal telf jiġu applikati għal sitwazzjonijiet transkonfinali, dan fil-fatt jikkostitwixxi titjib. Madankollu, hija ħaġa dubjuża ħafna kemm mill-aspett legali kif ukoll mil-lat soċjo-ekonomiku, billi fil-prattika tinvolvi l-użu ta' kumpanija barranija sabiex jiġu applikati r-regoli nazzjonali ta' pajjiżha fit-territorju ta' pajjiż ieħor. Il-problemi differenti, legali u ekonomiċi, involuti fl-eżenzjoni għal telf ta' kumpaniji b'attività transkonfinali jistgħu, fil-perijodu fit-tul, jiġu riżolti permezz ta' Bażi Fiskali Korporattiva Komuni u Konsolidata (Common consolidated corporate tax base — CCCTB). Peress li l-Kummissjoni attwalment qiegħda tindirizza din il-kwistjoni fi grupp ta' ħidma speċjali ma' l-Istati Membri, għandha tiffoka l-isforzi tal-grupp fuq soluzzjoni rapida u tuża dawn il-Komunikazzjonijiet sabiex titratta l-problemi ġenerali.

1.5

Il-Kummissjoni qiegħda tipprova ssolvi problema mingħajr ma tipprovdi — almenu f'din il-Komunikazzjoni — kwalunkwe valutazzjoni tad-daqs tagħha, jew ta' l-implikazzjonijiet effettivi ta' l-introduzzjoni tad-dritt tat-trasferiment transkonfinali tat-telf. Barraminhekk, l-argument tal-Kummissjoni ma jqisx biżżejjed il-fatt li t-telf jista' jiġi ddikkjarat fis-snin ta' wara. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet m'huwiex dejjem neċessarju li t-telf jiġi trasferit b'mod transkonfinali.

1.6

It-trattament bejn Stati Membri tat-trasferimenti ta' dħul korporattiv mhux realizzat ma tantx jista' jkun ibbażat esklussivament fuq każ li jinvolvi t-trasferimenti għal individwi privati. Ir-regola li t-taxxa tal-ħruġ ma tistax tiġi imposta fuq dħul mhux realizzat titfa' piż eċċessiv f'termini ta' informazzjoni. Il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa għandha tkun suffiċjenti sabiex tassigura li ż-żewġ pajjiżi jieħdu s-sehem ġust tad-dħul tat-taxxa meta eventwalment tiġi mħallsa. Ċerti assi trasferiti, bħall-beni immaterjali, ma jitneħħew qatt, jew sempliċement jiskadu. Id-deskrizzjoni ta' każijiet bħal dawn mill-Kummissjoni m'hijiex ċara.

1.7

Ġeneralment, huwa importanti li tiġi estiża l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni dwar it-taxxa korporattiva. Fl-istess ħin, il-prinċipju tas-sussidjarjetà jirrikjedi li l-prerogattiva ta' l-Istati Membri li jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet indipendenti bbażati fuq il-kondizzjonijiet nazzjonali, għandha tiġi rispettata.

2.   Introduzzjoni

2.1

Fid-19 ta' Diċembru 2006 il-Kummissjoni ppreżentat tliet Komunikazzjonijiet dwar il-koordinazzjoni tal-politiki fiskali ta' l-Istati Membri. Dawn jinkludu Komunikazzjoni iktar ġenerali u żewġ Komunikazzjonijiet li jindirizzaw problemi speċifiċi: it-telf f'sitwazzjonijiet transkonfinali u t-tassazzjoni tal-ħruġ. L-għan huwa li titjieb il-koordinazzjoni bejn is-sistemi fiskali differenti iktar milli tipproponi xi armonizzazzjoni.

2.2

Minkejja li l-Komunikazzjonijiet jirreferu għal sistemi fiskali diretti, dawn jitrattaw kważi esklussivament dwar it-tassazzjoni tal-kumpaniji. Il-Komunikazzjonijiet ġew ippreżentati parzjalment bħala sforz sabiex jinstabu soluzzjonijiet rapidi għall-problemi li jinħolqu meta l-kumpaniji jkollhom attivajiet transkonfinali li — fuq il-perijodu fit-tul — ikunu jistgħu jiġu indirizzati permezz ta' CCCTB; u parzjalment sabiex jindirizzaw lil kwalunkwe problema li tista' tippersisti wara li tiġi introdotta l-bażi kkonsolidata tat-taxxa.

2.3

Il-KESE kkumenta b'mod pożittiv dwar l-introduzzjoni ta' CCCTB, u indika numru ta' prinċipji li għandhom japplikaw jekk tiġi introdotta (1).

2.4

Il-Kummissjoni tistqarr b'mod ċar li d-diskussjoni u l-proposti m'humiex limitati sempliċement għat-tneħħija ta' ostakoli diskriminatorji għall-kumpaniji u r-riskju tat-tassazzjoni doppja, iżda għandhom ukoll l-għan li jsir possibbli għall-Istati Membri sabiex ikunu jistgħu jipproteġu l-bażijiet fiskali tagħhom.

3.   Il-koordinazzjoni tas-sistemi fiskali diretti ta' l-Istati Membri fis-Suq Intern COM(2006) 823 finali

3.1

Skond il-Kummissjoni, il-koordinazzjoni tas-sistemi tat-taxxa hija meħtieġa sabiex titneħħa d-diskriminazzjoni u t-tassazzjoni doppja, sabiex tevita n-nuqqas ta' tassazzjoni u l-abbuż, u sabiex tnaqqas l-ispejjeż tal-konformità għall-kumpaniji u l-persuni li jridu jaħdmu b'bosta sistemi fiskali. Il-ftehimiet bilaterali għandhom tendenza li jkunu l-istrument li jintgħażel meta żewġ sistemi fiskali ma jaqblux. Ġew żviluppati proċeduri tal-qorti bħala alternattiva sabiex jiġi vvalutat jekk id-dispożizzjonijiet jikkonformawx mal-leġislazzjoni Komunitarja. Skond il-Komunikazzjoni, ir-regoli fiskali li jistgħu jkunu f'kunflitt mal-leġislazzjoni Komunitarja jinkludu regoli fuq it-taxxa tal-ħruġ, it-taxxa li tinżamm fuq id-dividendi, l-eżenzjoni għal telf tal-grupp, u t-tassazzjoni tal-fergħat.

3.2

Il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea (QĠE) f'dan il-qasam qiegħda dejjem tevolvi, iżda ġeneralment tikkonċerna każijiet speċifiċi u rarament tista' tiġi interpretata b'mod wiesgħa. Il-Kummissjoni temmen li hemm bżonn ta' gwida sabiex il-ġurisprudenza tkun tista' tiġi interpretata b'mod iktar komprensiv. B'dawn il-Komunikazzjonijiet il-Kummissjoni qiegħda tipprova tgħin lill-Istati Membri sabiex isibu soluzzjonijiet koordinati.

3.3

Objettiv importanti għall-Kummissjoni huwa t-tneħħija tat-tassazzjoni doppja, li tista' tkun ta' ostakolu għall-attività transkonfinali. Sabiex jiġi evitat in-nuqqas ta' tassazzjoni u l-abbuż, il-Kummissjoni tipproponi li jiġu eżaminati r-regoli eżistenti ma' grupp ta' ħidma mill-Istati Membri. Minbarra l-fatt li r-regoli huma essenzjalment differenti, dawn iridu jiġu applikati f'27 sistema amministrattiva differenti. Il-Kummissjoni tipproponi li ssir analisi ta' kif tista' tiġi mtejba l-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri.

3.4

Il-Kummissjoni tħabbar ukoll is-suġġetti għall-Komunikazzjonijiet futuri, bħall-miżuri għall-ġlieda kontra l-abbuż, definizzjonijiet ta' dejn u ekwità, u l-estensjoni tar-rikors għall-proċeduri ta' l-arbitraġġ f'disputi fiskali bejn Stati Membri.

Kummenti

3.5

Fil-kummenti tiegħu dwar it-tliet Komunikazzjonijiet, il-KESE jtenni l-appoġġ tiegħu għall-isforzi li jassiguraw Bażi Fiskali Korporattiva Komuni u Konsolidata, jew CCCTB. Wieħed minn dawn il-prinċipji li jinsabu fl-Opinjoni tal-KESE dwar is-suġġett kien li s-CCCTB għandu jkun obbligatorju sabiex ikun kompletament effettiv. Ġew espressi riservi politiċi dwar CCCTB. Madankollu, il-Kumitat huwa tal-fehma li ma jistgħux jitqajmu dubji dwar il-fatt li għandhom isiru sforzi li jassiguraw bażi fiskali bħal din. Din hija meħtieġa fil-perijodu fit-tul sabiex is-suq intern jaħdem sew. Din tiffaċilita wkoll l-implimentazzjoni tal-proposti indirizzati fil-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, jista', naturalment, ikun hemm fehmiet differenti dwar kif għandha tinbena din il-bażi fiskali, iżda dan id-dibattitu jrid jitkompla meta tiġi ppreżentata proposta konkreta.

3.5.1

L-Opinjoni tal-KESE dwar is-CCCTB enfasizzat li jista' jkun hemm skop għall-preżentazzjoni gradwali ta' proposti li jistgħu jiġu implimentati qabel ma tiġi ffinalizzata l-proposta prinċipali. Il-Kumitat iqis il-Komunikazzjonijiet bħala pass f'din id-direzzjoni.

3.6

Il-kliem użat mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni huwa kawt ħafna: “Il-Kummissjoni tipproponi li tippreżenta għadd ta' inizjattivi”; “l-Kummissjoni tipproponi li teżamina dan il-qasam flimkien ma' l-Istati Membri fi grupp ta' ħidma fil-futur qrib”;“Tajjeb li jiġi esplorat b'mod iktar ġenerali il-mod ta' kif jistgħu jitnaqqsu l-ispejjeż ta' konformità transnazzjonali”. L-approċċ kawt tal-Kummissjoni lejn kwistjonijiet fiskali huwa faċli li jinftiehem fid-dawl ta' l-attitudni negattiva prevalenti, mhux ta' l-inqas min-naħa tal-Ministri tal-finanzi. Jekk il-politiċi m'humiex lesti li jaħdmu b'mod kostruttiv fuq il-kooperazzjoni, il-koordinazzjoni u, fejn huwa xieraq, l-armonizzazzjoni (partikularment fuq is-CCCTB), il-Qorti Ewropea ser tkompli tkun l-istituzzjoni li tiddeċiedi dwar kif is-sistemi fiskali nazzjonali għandhom jaħdmu flimkien.

3.7

Il-KESE jemmen li l-inizjattivi proposti mill-Kummissjoni jagħmlu parti loġika minn programm ta' ħidma ta' tassazzjoni. Dawn huma oqsma problematiċi fejn tidħol l-attività transkonfinali. Huwa importanti li l-proposti futuri tal-Kummissjoni jkunu akkumpanjati minn stqarrija ta' l-impatt tagħhom mistenni fuq il-kisba ta' l-objettivi ta' l-Aġenda ta' Lisbona.

3.8

Il-problemi indirizzati f'din il-Komunikazzjoni u fiż-żewġ Komunikazzjonijiet l-oħra huma marbuta l-iktar ma' l-attività transkonfinali tal-kumpaniji. L-individwi jiġu trattati biss fil-Komunikazzjoni dwar it-tassazzjoni tal-ħruġ. Il-KESE jemmen li huwa xieraq li l-ewwel tintefa' enfasi fuq l-intrapriżi fid-diskussjoni dwar is-suq intern u t-tassazzjoni.

3.9

Meta kumpanija tkun qiegħda taħseb li tibda topera f'pajjiż ieħor, ikollha bżonn informazzjoni dettaljata dwar is-sistema fiskali ta' dak il-pajjiż. Hemm bżonn ta' iktar trasparenza u l-informazzjoni trid tkun iktar disponibbli. Il-Kummissjoni tista' tkun ħolqa importanti ma' l-uffiċċji tat-taxxa u l-informazzjoni li jżommu fl-Istati Membri. Ir-rwol tagħha bħala provveditur ta' l-informazzjoni għall-politika tal-kompetizzjoni jista' jservi bħala mudell hawnhekk.

3.10

Hemm bżonn kbir ta' kooperazzjoni u koordinazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni korporattiva. Minkejja li l-Kummissjoni titkellem dwar il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni, xi wħud mill-argumenti użati fil-Komunikazzjonijiet fil-prattika jistgħu jwasslu għat-tneħħija tas-sovranità nazzjonali fil-qasam fiskali. Dan irid jiġi evitat fi kwalunkwe proposti futuri speċifiċi.

4.   It-trattament fiskali tat-telf f'sitwazzjonijiet transkonfinali COM(2006) 824 finali

4.1

It-trattament ta' eżenzjoni mit-taxxa għal telf transkonfinali għal kumpaniji u għal gruppi, huwa bbażat l-iktar fuq deċiżjoni tal-Qorti Ewropea fil-każ Marks and Spencer. Fin-nuqqas ta' eżenzjoni transkonfinali għal telf, kumpanija li qiegħda topera f'bosta pajjiżi ser tiġi intaxxata iktar minn waħda li topera f'pajjiż wieħed biss. Bis-CCCTB din il-problema tista' tiġi solvuta għall-kumpaniji b'operati f'bosta pajjiżi. Sadattant, il-Kummissjoni tissuġġerixxi diversi metodi għall-provvista ta' eżenzjoni transkonfinali għal kumpanija parent meta is-sussidjarja tagħmel it-telf, u għal kumpaniji bi stabbilimenti permanenti u fergħat f'pajjiżi oħra.

4.2

M'huwiex possibbli li tiġi deskritta s-sitwazzjoni ta' l-UE kollha kemm hi peress li r-regoli jvarjaw bejn l-Istati Membri.

4.3

Kumpaniji b'ħafna entitajiet f'pajjiż wieħed dejjem jistgħu jikkumpensaw għat-telf bejn l-entitajiet. Tabella fil-Komunikazzjoni turi li l-eżenzjoni għal telf transkonfinali huwa ġeneralment disponibbli, iżda mhux fl-Istati Membri kollha. Il-Qorti Ewropea ddeċidiet li l-istess kondizzjonijiet għandhom japplikaw għal kumpanija b'ħafna attivitajiet f'pajjiż wieħed bħal kumpanija li hija attiva f'bosta Stati Membri. Konsegwentement, il-Kummissjoni temmen li l-eżenzjoni għal telf issegwi mil-libertà tat-twaqqif.

4.4

Għall-gruppi (kumpanija parent-sussidjarja), l-eżenzjoni għal telf domestiku hija disponibbli fil-maġġoranza ta' l-Istati Membri. Fejn hemm sussidjarji f'pajjiżi oħra, din hija disponibbli biss f'każijiet ta' eċċezzjoni. Din kienet is-sitwazzjoni fil-każ ta' Marks and Spencer. Il-Qorti Ewropea ddeċidiet li telf jista' jiġi kkumpensat mill-kumpanija parent biss ladarba titqies u tiġi eżawrita kull possibbilità tat-telf fil-pajjiż fejn tinstab is-sussidjarja. L-eżenzjoni għal telf tista' ssir biss b'mod vertikali, favur il-kumpanija parent. Barraminhekk, tista' tkun biss temporanja.

4.4.1

Kumpaniji fi grupp huma entitajiet legalment separati u jiġu intaxxati b'mod individwali. Madankollu, 19-il Stat Membri għandhom sistemi domestiċi għat-tassazzjoni tal-grupp. Il-maġġoranza għażlu għall-ġbir ta' riżultati tat-taxxa, filwaqt li xi ftit oħrajn jippermettu biss l-eżenzjoni għal telf. Jidher ċar li huma meħtieġa regoli speċjali għall-eżenzjoni għal telf transkonfinali, billi r-riżultat irid ikun intaxxat skond sistemi differenti. Dawn ir-regoli jvarjaw madwar l-Istati Membri. Bis-CCCTB din il-problema tista' tiġi solvuta għall-kumpaniji b'operati f'bosta pajjiżi. Dak li tixtieq tikseb il-Kummissjoni huwa soluzzjonijiet temporanji għall-eżenzjoni għal telf transkonfinali għall-gruppi.

Kummenti

4.5

Il-Komunikazzjoni titratta dwar l-eżenzjoni għal telf iżda l-punt tat-tluq hija t-tassazzjoni fuq profitti. L-aħjar approċċ kien ikun li jiġu indirizzati formalment kemm it-tassazzjoni fuq il-profitti kif ukoll l-eżenzjoni għal telf fl-istess dokument. L-eżenzjoni għal telf ma tistax tiġi trattata b'mod indipendenti mit-tassazzjoni tal-profitti. Peress li ffokat fuq l-għażla għal trasferiment ta' telf, il-Kummissjoni qiegħda tevita l-mezz l-ieħor li jikkumpensa għad-defiċit: kontribuzzjonijiet tat-tip intra-grupp. Jekk tista' ssir kontribuzzjoni fi ħdan il-grupp qabel ma titħallas it-taxxa fuq il-profitti, din ikollha l-istess effett fiskali bħat-trasferimenti tat-telf.

4.6

L-argument li kumpanija li hija attiva f'bosta pajjiżi trid tiġi trattata bl-istess mod bħal kumpanija li topera f'bosta żoni ta' l-istess pajjiż tindirizza biss nofs il-problema. Il-Kummissjoni tixtieq li kumpaniji b'operati transkonfinali jiġu trattati bl-istess mod. Peress li r-regoli ta' l-eżenzjoni jvarjaw bejn l-Istati Membri, jinħolqu diskrepanzi ġodda bejn il-kumpaniji. Jekk kumpanija toriġina f'pajjiz fejn l-eżenzjoni għal telf transkonfinali hija permessa u tista' tapplika dawk ir-regoli f'pajjiż fejn l-eżenzjoni għal telf bejn kumpanija parent u s-sussidjarja m'hijiex permessa, tinħoloq diskrepanza bejn il-kumpaniji nazzjonali u dawk barranin. Sakemm ir-regoli jvarjaw ma jistax ikun hemm ekwivalenza bejn it-tliet tipi ta' kumpanija; l-ekwivalenza hija sempliċement trasferita. L-ekwivalenza legali li kienet teżisti bejn il-kumpaniji kollha li joperaw f'ċertu pajjiż b'hekk issir ekwivalenza bejn il-kumpaniji kollha mill-istess pajjiż, irrispettivament ta' fejn jitwettqu l-operati tagħhom. Fi kliem ieħor, ir-regoli fuq trasferimenti ta' telf huma trasferiti minn pajjiż għall-ieħor permezz ta' sussidjarja jew fergħa ta' dak il-pajjiż. Dan huwa inaċċettabli. Fi kliem ieħor, l-analisi tal-Kummissjoni ma tinkludix l-impatt potenzjali fuq kumpaniji mingħajr operati transkonfinali.

4.6.1

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li filwaqt li m'huwiex ideali li s-sistemi ta' ħelsien mit-taxxa domestika jiġu applikati għal sitwazzjonijiet transkonfinali, dan filfatt jikkostitwixxi titjib. Madankollu, dan huwa dubjuż ħafna kemm mill-aspett legali kif ukoll mil-lat soċjo-ekonomiku, billi fil-prattika kumpanija barranija qiegħda tiġi użata sabiex jiġu applikati r-regoli nazzjonali ta' pajjiżha fit-territorju ta' pajjiż ieħor. Il-Kumitat jemmen li fost l-iktar konsegwenzi negattivi serji li l-Kummissjoni tistqarr li jirriżultaw min-nuqqas ta' eżenzjoni għal telf transkonfinali huma l-problemi fit-twaqqif, peress li huwa normali li jsir it-telf meta titwaqqaf kumpanija. Fil-fażi tal-bidu, madankollu, m'huwiex possibbli li jiġi kkumpensat it-telf kontra l-profitti fil-pajjiż ta' l-oriġini tal-kumpanija. Dan huwa disinċentiv għall-espansjoni f'pajjiżi oħra. B'żieda ma' dan, huma l-SMEs li jsibuha l-iktar diffiċli li jassorbu dawn l-ispejjeż inizjali. Kumpaniji domestiċi jiffaċċjaw dawn il-problemi wkoll, għalhekk m'humiex speċifiċi għat-twaqqif ta' kumpaniji ġodda barra mill-pajjiż.

4.7

Barraminhekk, l-argument tal-Kummissjoni ma jqisx biżżejjed il-fatt li t-telf jista' jiġi ddikkjarat fis-sena ta' wara. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet m'huwiex dejjem neċessarju li t-telf jiġi trasferit minn pajjiż għall-ieħor. Id-differenza bejn l-eżenzjoni għal telf li jiġi ddikjarat fis-snin ta' wara u l-eżenzjoni għal telf bejn pajjiżi hija l-aspett tal-ħin. Bl-eżenzjoni għal telf transkonfinali, it-telf jista' jiġi kkumpensat minnufih. Il-mistoqsija li rridu nistaqsu hija jekk id-diffikultajiet li jridu jiġu ffaċċjati u li jistgħu jinħolqu fl-UE sabiex tinstab soluzzjoni speċjali li tassigura l-eżenzjoni għal telf transkonfinali humiex iġġustifikati bill-qligħ li jsir permezz tal-possibbilità li tiġi applikata l-eżenzjoni għal telf immedjata matul is-snin tat-telf. Kontribuzzjoni temporanja fi ħdan il-grupp tista' tiġi użata sabiex tiffinanzja t-telf temporanjament. Il-problema li l-Kummissjoni qiegħda tipprova ssolvi forsi m'hijiex kbira daqs kemm tidher. L-analisi tal-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-eżenzjoni għal telf transkonfinali u l-eżenzjoni għal telf fuq perijodu ta' żmien bħala alternattivi għall-kumpaniji b'operati transkonfinali minflok ma tiffoka esklussivament fuq waħda minnhom biss.

4.8

Barraminhekk, m'hemm l-ebda evalwazzjoni — ta' l-inqas f'din il-Komunikazzjoni — tad-daqs tal-problema, jew ta' l-implikazzjonijiet effettivi ta' l-introduzzjoni tad-dritt tat-trasferiment transkonfinali tat-telf. Analisi ta' dan it-tip hija essenzjali qabel ma tista' tittieħed deċiżjoni fuq jekk għandux ikun permess li t-telf jiġi trasferit minn pajjiż għall-ieħor.

4.9

L-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tas-sitwazzjoni legali, jiġifieri li l-eżenzjoni għal telf għandha tkun permessa sabiex ikun hemm konformità mal-libertà ta' stabbiliment meta jitwettqu attivitajiet minn stabbilimenti permanenti jew fergħat fi Stati Membri oħra, ma ssemmix jekk l-eżenzjoni ser tkunx temporanja jew le. Jidher li l-eżenzjoni għal telf temporanja biss hija attwalment disponibbli. Konsegwentement, irid jiġi ċċarat li dan huwa dak li qiegħed jiġi ssuġġerit.

4.10

Il-Kummissjoni tixtieq tuża r-restrizzjonijiet imposti mill-każ Marks and Spencer bħala gwida għal miżuri futuri. Il-KESE jemmen ukoll li proposti futuri iridu jitfasslu b'mod li jnaqqas kemm jista' jkun ir-riskju ta' evażjoni tat-taxxa b'rabta ma' l-eżenzjoni għal telf.

4.11

Il-Kummissjoni diġà ppreżentat proposti varji li jippermettu l-eżenzjoni għal telf fis-snin wara s-sena li fiha sar it-trasferiment tat-telf. It-telf jiġi ritornat mill-kumpanija parent malli jkun hemm profitt li jista' jikkumpensa. Dan jidher li huwa l-aħjar metodu hawnhekk, peress li l-bażi tat-taxxa tiġi trasferita temporanjament bejn il-pajjiżi kkunċernati.

4.12

Jekk isiru sforzi sabiex jissolvew il-problemi ta' eżenzjoni għal telf transkonfinali mingħajr ma l-ewwel tiddaħħal is-CCCTB, tibqa' tippersisti problema mifruxa — li l-Kummissjoni ma tidhirx li indirizzat b'mod adegwat: kif ser inkunu nafu sa liema punt jista' jiġi ddikjarat it-telf minn pajjiż għal ieħor meta l-profitti u t-telf huma bbażati fuq kalkoli ta' bażi tat-taxxa differenti fiż-żewġ pajjiżi? Dan ifisser li ma jistgħux jaqblu fuq id-daqs effettiv tat-telf. Fil-qosor, jidher li s-CCCTB hija l-unika mezz li bih jistgħu jissolvew problemi varji legali u ekonomiċi li hemm involuti fl-eżenzjoni għal telf fuq perijodu fit-tul. Jekk din il-kwistjoni tiġi riżolta relattivament malajr, jista' jkun xieraq li l-Kummissjoni tiffoka iżjed fuq il-problemi l-oħra imqajma f'dawn il-Komunikazzjonijiet.

5.   Tassazzjoni tal-ħruġ u l-bżonn ta' koordinazzjoni tal-politiki fiskali ta' l-Istati Membri COM(2006) 825 finali

5.1

Il-Kummissjoni temmen li meta dħul mhux realizzat jiġi trasferit bejn il-kumpaniji, l-istess regoli ta' diferiment ta' taxxa jridu japplikaw meta t-trasferiment isir f'pajjiż wieħed jew bejn il-pajjiżi. Madankollu, jinħolqu l-problemi minħabba d-differenza fir-regoli dwar it-tassazzjoni fuq id-dħul mhux realizzat. B'żieda ma' dan, in-nuqqas ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa u l-kumpaniji jew l-individwi jista' jwassal ukoll għal taxxi li ma jinġabrux jew għal tassazzjoni doppja. Il-Kummissjoni tagħti eżempju ta' kif ir-regoli ta' l-Istati Membri jistgħu jiġu kkoordinati aħjar. Għad fadal iktar xi jsir sabiex il-problemi jiġu solvuti kompletament.

5.2

Il-Kummissjoni tibbaża l-argument tagħha fuq każ li fih individwu privat (2) ġie intaxxat fuq dħul mhux realizzat meta ħalla l-pajjiż, filwaqt li dawk il-persuni li jibqgħu fil-pajjiż huma intaxxati meta jiġi realizzat id-dħul. Il-Qorti Ewropea ħasset li din id-diskrepanza wasslet għal ksur tar-regoli tat-Trattat dwar il-libertà tal-moviment. Iżda mbagħad tinħoloq problema oħra: il-pajjiż li fih sar il-qligħ ma jieħux id-dħul mit-taxxa. Fin-nuqqas ta' regoli speċifiċi, meta d-dħul jiġi realizzat jiġi dovut lill-pajjiż fejn marret tgħix il-persuna li tħallas it-taxxa. Il-Qorti Ewropea ddeċidiet li dikjarazzjoni tat-taxxa tista' tiġi rikjesta fit-tluq minn pajjiz, sabiex tiġi użata bħala bażi għall-apporzjonament tad-dħul mit-taxxa meta l-qligħ jiġi realizzat.

5.3

Il-maġġoranza ta' l-Istati Membri issa jsegwu d-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea u neħħew it-taxxa tal-ħruġ. Iżda tinħoloq l-inċertezza dwar kif, jew saħansitra jekk, it-taxxa fuq parti mid-dħul hijiex dovuta lill-pajjiż minn fejn ġiet trasferita r-residenza. Il-Kummissjoni hija favur sistema li biha l-pajjiż ta' residenza ġdida tagħti kreditu għal dik il-parti tad-dħul li sar qabel ma sar it-trasferiment tar-residenza. Dan jeħtieġ li l-awtoritajiet tat-taxxa fiż-żewġ pajjiżi kkonċernati jikkoordinaw l-isforzi tagħhom. Il-Kummissjoni qiegħda tinterpreta wkoll li l-każ tal-Qorti Ewropea li applika għal individwu japplika wkoll għall-kumpaniji li jittrasferixxu dħul mhux realizzat.

5.4

Il-pajjiżi taż-ŻEE/EFTA huma każ speċjali, peress li huma marbuta bid-dispożizzjonijiet ta' l-UE dwar il-moviment ħieles iżda mhux dwar il-leġislazzjoni fiskali. Hawnhekk, il-Kummissjoni tħoss li, sabiex tassigura li d-dħul jista' jiġi dovut fil-pajjiż li qiegħed jitħalla, it-taxxa tista' tiġi rikjesta fil-ħruġ, sakemm ma jkunx hemm ftehimiet bilaterali li jipprovdu soluzzjonijiet oħra.

Kummenti

5.5

Meta l-Kummissjoni targumenta l-każijiet differenti li jinvolvu t-trasferimenti ta' l-assi bejn il-kumpaniji li jinkludu dħul mhux realizzat, is-sitwazzjoni legali tidher inqas ċerta milli fil-każ ta' individwi privati. Il-Kummissjoni tibbaża l-interpretazzjoni tagħha għall-kumpaniji mid-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea, iżda deċiżjoni għal individwi privati ma tistax tiġi applikata kompletament għall-kumpaniji. Il-Kummissjoni għaldaqstant għandha bżonn tlaħħam l-analisi tagħha billi tindirizza l-problemi speċifiċi li jistgħu jinħolqu għall-kumpaniji.

5.6

Hemm bżonn ta' test iktar eżawrjenti li jikkjarifika dak li l-Kummissjoni temmen li għandu jiġi applikat f'sitwazzjonijiet differenti, eż., li jinvolvi kumpanija parent u sussidjarja, jew fergħat u stabbilimenti permanenti. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tħalli wkoll dubju f'moħħ il-qarrej dwar jekk l-assi mhux realizzati għandhomx verament jiġu trattati b'mod differenti skond it-tip ta' relazzjoni li teżisti bejn il-kumpaniji kkonċernati.

5.7

Ir-regola li t-taxxa tal-ħruġ ma tistax tiġi imposta fuq profitti li għadhom m'humiex realizzati toħloq piż konsiderevoli f'termini ta' informazzjoni. Ma jidhirx ġust li tinħtieġ dikjarazzjoni annwali li l-assi ma tneħħewx, meta l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa għandha tkun suffiċjenti sabiex jiġi assigurat li ż-żewġ pajjiżi jieħdu s-sehem ġust tad-dħul tat-taxxa meta eventwalment tiġi mħallsa.

5.8

Ċerti assi trasferiti, bħall-beni immaterjali, ma jitneħħew qatt, jew sempliċement jiskadu. Id-deskrizzjoni ta' każijiet bħal dawn mill-Kummissjoni m'hijiex eżawrjenti. Kif jista' qatt l-Istat Membru minn fejn joriġinaw l-assi jkun jista' jintaxxa dħul li ma kienx realizzat qabel jekk m'huwiex permess li jagħmel hekk meta dan ġie trasferit?

Brussell, is-26 ta' Settembru 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  ĠU 11 ta' April 2006, C 88 p. 48: Opinjoni tal-KESE dwar il-Ħolqien ta' Bażi Fiskali Korporattiva Komuni u Konsolidata fl-UE.

(2)  Każ C-9/02 Hughes de Lasteyrie du Saillant v. Ministère de l'Economie, des Finances et de l'Industrie, ĠU C 94, 17.4.2004, p. 5