Is-sikurezza fit-toroq: Orjentazzjonijiet politiċi dwar is-sikurezza tat-triq 2011-20
SOMMARJU TAD-DOKUMENT:
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea (COM(2010) 389 finali) – orjentazzjonijiet ta' politika dwar is-sikurezza tat-triq 2011-2020
X’TAGĦMEL IL-KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI EWROPEA?
Għalkemm sar progress fir-rigward tas-sikurezza fit-toroq fl-Unjoni Ewropea (UE) waqt it-tielet programm ta’ azzjoni ta’ sikurezza tat-triq (RSAP) Ewropew li dam mill-2003 sal-2010), il-Kummissjoni Ewropea tenfasizza li l-isforzi biex itejbu s-sikurezza fit-toroq għandhom jissaħħew aktar.
PUNTI EWLENIN
L-orjentazzjonijiet Ewropej ta’ politika dwar is-sikurezza fit-toroq (2011-2020) jimmiraw li jipprovdu qafas ġenerali u objettivi ta’ sfida biex imexxu strateġiji nazzjonali u lokali, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà . Fi ħdan il-qafas ġenerali, il-Kummissjoni tenfasizza l-bżonn li:
-
jinħoloq qafas ta’ koperazzjoni bbażat fuq l-iskambju tal-aħjar prattiċi madwar l-UE;
-
tiġi adottata strateġija għall-korrimenti u l-ewwel għajnuna biex tindirizza l-bżonn li tnaqqas in-numru ta’ korrimenti fit-toroq;
-
tittejjeb is-sikurezza ta’ utenti vulnerabbli tat-triq.
Prinċipji u mira
Il-Kummissjoni tistabbilixxi 3 prinċipji ewlenin:
-
tistinka għall-ogħla standards tas-sikurezza tat-triq madwar l-Ewropa – billi tinkoraġġixxi ċittadini tal-UE biex jieħdu r-responsabbiltà primarja tas-sikurezza tagħhom stess u s-sikurezza tal-oħrajn fuq toroq tal-UE, u billi tiffoka biex ittejjeb is-sikurezza ta’ utenti tat-triq iktar vulnerabbli;
-
approċċ integrat għas-sikurezza fit-toroq – permezz ta’ koperazzjoni ma’ oqsma oħrajn ta’ politika tal-UE, bħall-enerġija, l-ambjent, l-edukazzjoni, l-innovazzjoni u t-teknoloġija, u l-ġustizzja.
-
sussidjarjetà, proporzjonalità u responsabbiltà kondiviża – permezz tal-kunċett ta’ responsabbiltà kondiviża, impenn u azzjonijiet prattiċi fil-livelli kollha minn pajjiżi tal-UE u mill-awtoritajiet tagħhom għall-korpi reġjonali u lokali.
Wara r-RSAP 2003-10, il-Kummissjoni tipproponi li żżomm il-mira li tnaqqas bin-nofs in-numru ġenerali ta’ mwiet fit-toroq fl-UE bejn l-2010 u l-2020. Dan juri l-impenn ċar tal-UE għas-sikurezza fit-toroq u l-objettiv komuni tagħha huwa intenzjonat li jipprovdi liċ-ċittadini tal-UE b’livell iktar uniformi ta’ sikurezza fit-toroq fi ħdan l-UE. Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-pajjiżi individwali tal-UE biex jikkontribwixxu għall-ilħuq ta’ din il-mira komuni permezz tal-istrateġiji nazzjonali tagħhom ta’ sikurezza fit-toroq.
Waqt il-konsultazzjoni pubblika għal dawn l-orjentazzjonijiet ta’ politika, li saru bejn Lulju u Diċembru 2009, ġiet proposta mira biex tnaqqas il-korrimenti gravi tat-traffiku tat-triq. Ladarba tkun teżisti definizzjoni komuni għal “korrimenti gravi”, il-Kummissjoni għandha żżid “mira għat-tnaqqis ta’ korrimenti” komuni għal dawn l-orjentazzjonijiet Ewropej ta’ politika tas-sikurezza fit-toroq sal-2020.
Objettivi strateġiċi
Il-Kummissjoni identifikat 7 objettivi, li għalihom ser jiġu proposti azzjonijiet kemm fuq livell tal-UE kif ukoll fuq dak nazzjonali:
-
titjib fl-edukazzjoni u t-taħriġ tal-utenti tat-toroq – il-kwalità tas-sistema ta’ liċenzjar u taħriġ teħtieġ li tittejjeb, b’enfasi fuq sewwieqa żgħażagħIl-Kummissjoni ser taħdem mal-pajjiżi tal-UE biex tiżviluppa strateġija edukattiva u ta’ taħriġ komuni dwar is-sikurezza tat-triq, li tinkludi tagħlim qabel it-test, it-test tal-liċenzja tas-sewqan u taħriġ wara t-test;
-
żieda fl-infurzar tar-regoli tat-triq – il-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ser jaħdmu flimkien biex jistabbilixxu skambju transkonfinali ta’ informazzjoni fil-qasam tas-sikurezza fit-toroq. Il-Kummissjoni ser taħdem ukoll lejn strateġija komuni tal-infurzar tas-sikurezza fit-toroq li ser tinvolvi kampanji ta’ infurzar, objettivi ta’ infurzar nazzjonali, u teknoloġija tal-vetturi biex tassisti l-infurzar, li tinkludi l-possibbiltà ta’ limitaturi tal-veloċità f’vetturi kummerċjali ħfief u tagħmir li jidentifika l-alkoħol;
-
infrastruttura tat-triq iktar sikura – il-Kummissjoni ser tiżgura li l-fondi tal-UE jingħataw biss għal infrastruttura li tkun konformi mar-rekwiżiti tas-sikurezza tal-UE. Il-Kummissjoni ser tippromwovi wkoll l-applikazzjoni tal-prinċipji relevanti ta' ġestjoni sikura għan-netwerk sekondarju tat-toroq tal-pajjiżi tal-UE, b'mod partikolari permezz tal-iskambju tal-aħjar prattiċi.
-
vetturi iktar sikuri – apparti milli tkompli tinkoraġġixxi l-progress tas-sikurezza tal-vetturi, il-Kummissjoni sejra wkoll tevalwa u tipproponi azzjonijiet fil-qasam tal-armonizzazzjoni u t-tisħiħ progressiv tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kontrolli tekniċi tal-vetturi u dwar spezzjonijiet mal-ġenb tat-triq;
-
il-promozzjoni tal-użu tat-teknoloġija moderna biex iżżid is-sikurezza tat-triq – il-Kummissjoni ser tkompli tippromwovi l-użu ta’ Sistemi Intelliġenti tat-Trasport biex ittejjeb is-sikurezza tat-traffiku tat-triq. L-effettività u l-veloċità tas-salvataġġ ser ikunu imsaħħa bl-adozzjoni ta’ servizz Ewropew ta' sejħa għall-emerġenza imwaħħla ġol-vetturi, “eCall”;
-
it-titjib tas-servizzi ta’ emerġenza u servizzi ta’ wara l-korriment – il-Kummissjoni ser tipproponi l-istabbiliment ta’ strateġija globali ta’ azzjoni dwar il-korrimenti fit-triq u l-ewwel għajnuna. Il-Kummissjoni ser teżamina b'mod partikolari l-mezzi biex ittejjeb l-effiċjenza tal-intervent tal-ewwel għajnuna u l-immaniġjar ta’ wara l-kura biex tnaqqas l-impatt ta’ inċidenti fit-triq.
-
il-protezzjoni ta' utenti vulnerabbli tat-triq – il-Kummissjoni ser taħdem biex ittejjeb is-sikurezza tal-motoċiklisti, tindirizza l-imġiba, kif ukoll is-sikurezza tal-vetturi u tal-infrastruttura. Ser tinkoraġġixxi wkoll l-istabbiliment ta’ infrastrutturi adegwati biex iżżid is-sikurezza taċ-ċikliżmu u utenti oħrajn vulnerabbli tat-triq.
Implimentazzjoni tal-orjentazzjonijiet Ewropej ta’ politika tas-sikurezza fit-toroq 2011-20
Kooperazzjoni miftuħa bejn pajjiżi tal-UE u l-Kummissjoni tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-politika tal-UE tas-sikurezza tat-triq. Barra minn hekk, il-pajjiżi tal-UE għandhom ukoll pjanijiet nazzjonali ta’ sikurezza fit-toroq li jinkludu objettivi nazzjonali speċifiċi li huma individwali għas-sitwazzjoni partikolari tagħhom.
Il-Kummissjoni sejra ssegwi t-titjib tal-għodod eżistenti għall-ġbir u l-analiżi tad-dejta, bħal CARE, il-bażi ta’ dejta tal-UE dwar l-inċidenti fit-toroq stabbilita b’mod konformi mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/704/KE, kif ukoll l-Osservatorju Ewropew għas-Sikurezza fit-Toroq (ERSO), li permezz tal-Internet jagħmel id-dejta dwar is-sikurezza fit-toroq u l-għarfien disponibbli b’mod pubbliku fuq livell Ewropew.
SFOND
Għal aktar informazzjoni, ara Is-Sikurezza fit-toroq fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni Ewropea
ATT
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Lejn żona Ewropea ta’ sikurezza tat-triq: orjentazzjonijiet ta’ politika dwar is-sikurezza tat-triq 2011-2020 (COM(2010) 389 finali tal-20 ta’ Lulju 2010)
l-aħħar aġġornament 09.05.2016