Is-sikurezza fuq il-baħar fl-UE: regoli u standards ta’ spezzjoni tal-vapuri

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (KE) Nru 391/2009 dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri.

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Dan joħloq sistema ta’ liċenzjar (rikonoxximent), li hija soġġetta għal numru ta’ kriterji u obbligi biex tiżgura li organizzazzjoni rikonoxxuta* tapplika l-istess standards għall-vapuri kollha fir-reġistru tagħha, irrispettivament mill-bandiera li jtajru l-vapuri.

PUNTI EWLENIN

Skema ta’ rikonoxximent tal-UE

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jissottomettu talba lill-Kummissjoni Ewropea sabiex jiksbu rikonoxximent għal organizzazzjoni.

Ir-rikonoxximent jingħata u jiġi amministrat ċentralment mill-Kummissjoni. Huwa prerekwiżit għal kwalunkwe organizzazzjoni li tkun awtorizzata minn pajjiż tal-UE sabiex twettaq l-ispezzjonijiet u l-perizji statutorji tal-vapuri li jtajru l-bandiera tiegħu (Id-Direttiva 2009/15/KE, ara s-sommarju).

Biex tikseb rikonoxximent, l-organizzazzjoni għandha tikkonforma mal-kriterji minimi li ġejjin:

Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-organizzazzjoni tieħu azzjoni ta’ prevenzjoni u rimedju jekk tonqos milli tissodisfa r-rekwiżiti jew meta l-prestazzjoni tagħha fl-oqsma tal-prevenzjoni tat-tniġġis u s-sikurezza tkun marret għall-agħar b’mod sinjifikanti.

Multi, ħlasijiet perjodiċi ta’ penali u rtirar tar-rikonoxximent

Il-Kummissjoni tista’ timponi multi fuq organizzazzjoni rikonoxxuta meta prestazzjoni li tmur għall-agħar jew nuqqas serju jew ripetut biex jiġu ssodisfati l-kriterji minimi jew l-obbligi ta’ dan ir-Regolament jiżvelaw nuqqasijiet serji fl-istruttura, fis-sistemi, fil-proċeduri jew fil-kontrolli interni tal-organizzazzjoni. Tista’ tiġi imposta multa wkoll jekk l-organizzazzjoni tipprovdi tagħrif deliberatament inkorrett jew inkomplet fil-kuntest tal-valutazzjoni tagħha.

Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi wkoll li toħroġ ħlasijiet perjodiċi ta’ penali kontra l-organizzazzjoni rikonoxxuta jekk hija ma timplimentax il-miżuri ta’ prevenzjoni u rimedju meħtieġa.

Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi, fuq talba minn pajjiż tal-UE jew fuq inizjattiva tagħha stess, li tirtira r-rikonoxximent taħt ċirkostanzi speċifiċi. Dawn jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, meta jkun hemm nuqqas serju jew repetut milli jiġu ssodisfati l-kriterji jew ir-rekwiżiti minimi tar-Regolament, jew meta l-prestazzjoni ħażina tikkostitwixxi theddida inaċċettabbli għas-sikurezza jew għall-ambjent.

Ir-Regolament (UE) Nru 788/2014 jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-impożizzjoni ta’ multi u ta’ ħlasijiet perjodiċi ta’ penali u għall-irtirar tar-rikonoxximent.

Valutazzjoni tal-organizzazzjonijiet

Il-Kummissjoni, flimkien mal-pajjiż tal-UE li ssottometta t-talba għal rikonoxximent, għandhom jivvalutaw l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti mill-inqas kull sentejn. L-evalwaturi għandhom jivverifikaw il-konformità mal-obbligi u l-kriterji minimi u jagħtu attenzjoni speċjali lis-sikurezza, lill-prevenzjoni tat-tniġġis u lir-rekords tad-diżgrazzji.

Regoli u proċeduri

Organizzazzjonijiet rikonoxxuti għandhom jikkonsultaw ma’ xulxin bil-għan li jarmonizzaw ir-regoli u l-proċeduri* tagħhom u jiddefinixxu l-kondizzjonijiet meħtieġa għar-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati tal-klassi* maħruġa għal materjali, tagħmir u komponenti. Iċ-ċertifikati ta’ tagħmir tal-baħar li jkunu konformi mad-Direttiva 2014/90/UE (ara s-sommarju) għandhom jiġu aċċettati mill-organizzazzjonijiet rikonoxxuti għall-finijiet ta’ klassifikazzjoni.

Entità indipendenti għaċ-ċertifikazzjoni u l-valutazzjoni tal-kwalità

L-organizzazzjonijiet rikonoxxuti għandhom iwaqqfu korp indipendenti għaċ-ċertifikazzjoni u l-valutazzjoni tal-kwalità li tkun responsabbli mill-valutazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tas-sistemi tal-immaniġġjar tal-kwalità tagħhom. Il-ħidma ta’ dan il-korp għandha tiġi vvalutata perjodikament mill-Kummissjoni.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mis-17 ta’ Ġunju 2009.

SFOND

Id-Direttiva 2009/15/KE, adottata fl-istess ħin mar-Regolament (KE) Nru 391/2009, tistabbilixxi l-qafas legali li jirregola r-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi tal-UE u l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti.

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Organizzazzjoni rikonoxxuta: organizzazzjoni rikonoxxuta b’konformità mar-Regolament (KE) Nru 391/2009 dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri.
Regoli u proċeduri: l-istandards tekniċi prodotti minn organizzazzjoni rikonoxxuta għad-disinn, għall-kostruzzjoni, għat-tagħmir, għall-manutenzjoni u għall-perizji tal-vapuri.
Ċertifikat tal-klassi: dokument maħruġ minn organizzazzjoni rikonoxxuta li jiċċertifika l-idoneità ta’ vapur għal użu jew servizz partikolari skont ir-regoli u l-proċeduri stipulati minn dik l-organizzazzjoni.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (KE) Nru391/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri (ĠU L 131, 28.5.2009, pp. 11-23)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 391/2009 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 19.02.2021