Nipproteġu lit-tfal fid-dinja diġitali

ATT

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-13 ta’ Settembru 2011 dwar l-applikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 1998 dwar il-protezzjoni tal-minuri u d-dinjità tal-bniedem u tar-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar il-protezzjoni tal-minuri u d-dinjità tal-bniedem u dwar id-dritt ta’ tweġiba fir-rigward tal-kompetittività tal-industrija Ewropea tas-servizzi awdjoviżivi u tal-informazzjoni online intitolat “Nipproteġu lit-tfal fid-dinja diġitali” [COM(2011) 556 finali – Mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali].

SOMMARJU

Dan ir-rapport jispjega l-miżuri implimentati mill-Istati Membri għall-protezzjoni tat-tfal fil-qafas tal-attivitajiet online. Isegwi r-rakkomandazzjoni tal-2006 dwar il-protezzjoni tal-minuri fis-servizzi awdjoviżivi u tal-informazzjoni, kif ukoll ir-rakkomandazzjoni tal-1998 dwar il-protezzjoni ta' minorenni u tad-dinjità tal-bniedem.

Kontenut illegali jew dannuż

Ir-rapport jagħti ħarsa ġenerali lejn l-inizjattivi meħuda mill-Istati Membri u intenzjonati sabiex jiġġieldu kontra l-kontenuti diskriminatorji, illegali jew dannużi online. Essenzjalment, dawn jikkonċernaw impenji jew kodiċi ta’ kondotta. Pereżempju, dawn jipprevedu l-wiri ta’ tikketta xierqa fuq il-websajts.

Madankollu, il-livell ta’ protezzjoni garantit minn din it-tip ta’ inizjattiva għadu jvarja bejn Stat Membru u ieħor. Ikun jaqbel li dawn il-miżuri attwali jiġu sottomessi għal monitoraġġ kostanti sabiex ikunu aktar effikaċi.

Barra minn hekk, ġeneralment, il-kontenuti illegali jew preġudikabbli jkunu ġejjin minn Stati Membri oħrajn tal-UE jew minn pajjiżi terzi. Approċċ koordinat fil-livell Ewropew, u eventwalment, internazzjonali, jippermetti sabiex tiġi armonizzata l-protezzjoni kontra dan it-tip ta’ kontenut.

Linji diretti

L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa tipprevedi li sal-2013 jiġu stabbiliti linji diretti li jippermettu sabiex jiġu rraportati kontenuti online li huma mhumiex xierqa jew dannużi. Dawn il-linji diretti għandhom jibbenefikaw mill-kofinanzjament tal-programm "Internet Aktar Sikur". Barra minn hekk, l-assoċjazzjoni ta’ linji diretti fuq l-internet, INHOPE (EN), hija għodda ta’ kooperazzjoni effikaċi għall-Istati Membri u l-pajjiżi terzi. Hemm ukoll xi proċeduri ta’ notifika u ta’ tneħħija implimentati sabiex il-fornituri tas-servizzi tal-internet (ISPs) ineħħu kull kontenut illegali rrapportat minn persuna li tkun użat il-linja diretta.

Madankollu, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri sabiex iwettqu monitoraġġ aktar rigoruż fuq il-linji diretti tagħhom. Għadhom mhumiex magħrufa u aċċessibbli biżżejjed għall-utenti tal-internet, u lanqas għat-tfal.

Fornituri tas-servizzi tal-internet (ISPs)

L-ISPs huma mistiedna jsiru aktar attivi fil-protezzjoni tal-minorenni. L-applikazzjoni tal-kodiċi ta’ kondotta jridu jinfirxu aktar u jiġu sorveljati mill-qrib. L-assoċjazzjonijiet tal-ISPs huma mistieda jinkludu l-protezzjoni ta’ minorenni fl-azzjonijiet tagħhom u jiżguraw li l-membri tagħhom jimpenjaw ruħhom f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, parteċipazzjoni akbar mill-konsumaturi u l-awtoritajiet fl-iżvilupp ta’ dawn il-kodiċi ta’ kondotta għandha tgħin sabiex l-awtoregolamentazzjoni verament twieġeb għall-evoluzzjoni mgħaġġla tad-dinja diġitali.

L-ISPs huma mħeġġa jkabbru l-applikazzjoni tal-kodiċi ta’ kondotta u jinkludu l-protezzjoni tal-minorenni fil-mandati tagħhom.

Netwerks soċjali online

In-netwerks soċjali online biddlu b’mod fundamentali l-imġiba tal-minorenni fil-mod kif jinteraġixxu u jikkomunikaw bejniethom. Dawn ir-riżorsi jippreżentaw diversi riskji bħal kontenuti illegali, kontenuti li mhumiex adatti għal minorenni, kuntatti mhux xierqa u mġiba mhux xierqa.

Wieħed mill-mezzi proposti minn dan ir-rapport sabiex jiġu indirizzati dawn ir-riskji jista’ jkun l-iżvilupp tal-linji gwida mmirati għall-fornituri tan-netwerks soċjali. Il-Kummissjoni tħeġġeġ sabiex jiżdiedu ċ-ċentri ta’ rapportar u li jiġu implimentati strutturi amministrattivi effiċjenti sabiex dawn jitħaddmu fin-netwerks soċjali.

Litteriżmu medjatiku u sensibilizzazzjoni

L-Istati Membri ħadu l-impenn li jsaħħu l-litteriżmu medjatiku. Jeżistu diversi inizjattivi f’dan il-qasam, bħal sħubijiet pubbliċi-privati jew il-proġett EU kids online (EN). Madankollu, l-involviment tat-tfal u l-ġenituri kollha kif ukoll l-armonizzazzjoni bejn l-iskejjel u l-Istati Membri għadhom sfidi importanti, filwaqt li l-integrazzjoni tal-litteriżmu medjatiku fl-iskejjel juri riżultati pożittivi.

Restrizzjoni tal-aċċess għal konenuti

Ir-restrizzjoni tal-aċċess għall-kontenuti għall-minorenni jimplika l-istabbiliment ta’ klassifikazzjonijiet skont l-età u l-kontenut. Bħalissa jeżistu sistemi ta’ klassifikazzjoni ta’ materjal awdjoviżiv meqjusa bħala biżżejjed jew effikaċi minn ċerti Stati Membri, filwaqt li hemm oħrajn li jikkunsidraw li dawn iridu jittejbu.

Is-sistemi tekniċi, bħall-iffiltrar, is-sistemi ta’ verifika tal-età jew is-sistemi ta’ kontroll mill-ġenituri jistgħu jkunu utli, iżda ma jistgħux jiggarantixxu restrizzjoni sħiħa tal-aċċess għall-kontenuti mill-minorenni. L-abbonati dejjem qed jikbsu aktar tagħrif dwar l-eżistenza ta’ sistemi ta’ ffiltrar u klassifikazzjoni, kif ukoll ta’ softwer ta’ verifika tal-età. Minkejja dan, l-Istati Membri jidhru maqsma dwar l-utilità, il-pertinenza (fir-rigward tad-dritt għall-informazzjoni u tar-riskju ta’ ċensura), il-fattibbiltà teknika u l-affidabbiltà tas-sistemi tekniċi. Barra minn hekk, dawn jenfasizzaw il-bżonn ta’ trasparenza f’dak li jikkonċerna l-integrazzjoni tal-kontenuti f’“lista ta’ siti projbiti” u l-possibbiltà tat-tneħħija tagħhom.

Filwaqt li l-parti l-kbira tal-Istati Membri jipprevedu l-possibbiltà li jittejjeb is-sejbien tal-età kif ukoll is-sistemi ta’ klassifikazzjoni, għad ma jeżistix kunsens rigward klassifikazzjoni pan-Ewropea ta’ sistema għall-kontenut tal-mezzi ta’ komunikazzjoni. Dan ir-rapport jistieden sabiex jiġu kkunsidrati sistemi innovattivi ta’ klassifikazzjoni tal-kontenut fis-settur tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT).

Servizzi awdjoviżivi

Il-Kummissjoni titkellem dwar ċertu dewmien mis-servizzi tat-televiżjoni on-demand fir-rigward tas-sistemi ta’ koregolamentazzjoni u awtoregolamentazzjoni maħsuba sabiex jipproteġu lill-minorenni minn kontenut dannuż u rigward il-mezzi tekniċi li joffru lit-tfal aċċess selettiv għall-kontenut fuq l-internet. Ikun jaqbel li jiġu żviluppati u li jinxteħet dawl fuq klassifikazzjonijiet skont l-età kif ukoll fuq restrizzjonijiet tal-ħin ta’ trażmissjoni għal dawn it-tipi ta’ servizzi awdjoviżivi.

Logħob

Minbarra l-Ġermanja, l-Istati Membri kollha jużaw is-sistema Pan European Games Information System (PEGI) rigward il-protezzjoni ta’ minorenni fil-qasam tal-logħob. Dan ir-rapport josserva li jkun xieraq li jiżdiedu l-miżuri ta’ sensibilizzazzjoni b’għan preventiv, b’mod partikolari fl-iskejjel. Barra minn hekk, għad irid isir progress sabiex jiġi żgurat ir-rispett tal-klassifikazzjoni skont l-età fir-rigward tal-bejgħ tal-logħob u sabiex jiġu applikati sistemi bħall-PEGI b’mod usa’ għal logħob online.

See also

L-aħħar aġġornament: 06.12.2011