Prodotti tessili: ismijiet ta’ fibri tat-tessut u tikkettar
SOMMARJU TAD-DOKUMENT:
Regolament (UE) Nru 1007/2011 – l-ismijiet ta' fibri, tikkettar u l-immarkar tal-kompożizzjoni tal-fibri ta' prodotti tat-tessut
SOMMARJU
X’JAGĦMEL DAN IR-REGOLAMENT?
Dan għandu l-għan li jiżgura li l-konsumaturi tal-UE jiġu infurmati kif xieraq u li s-suq tal-ħwejjeġ u t-tessuti tal-UE jopera mingħajr xkiel.
Jistabbilixxi regoli dwar:
-
ismijiet ta’ fibri tessili fir-rigward tad-definizzjoni u l-użu tagħhom meta tiġi indikata l-kompożizzjoni tal-fibra tal-prodotti tessili;
-
it-tikkettar ta’ prodotti tessili li fihom partijiet mhux tessili li joriġinaw mill-annimali;
-
metodi ta’ analiżi biex tiġi ċċekkjata l-informazzjoni indikata fit-tikketti jew il-marki.
PUNTI EWLENIN
Il-liġi tkopri:
-
prodotti esklussivament komposti minn fibri tessili u
-
prodotti ttrattati bl-istess mod bħall-prodotti tessili, pereżempju prodotti li fihom tal-anqas 80 % tal-piż ta’ fibri tessili.
Esklużjoni: prodotti kkuntratti lil persuni li jaħdmu d-dar, lil kumpaniji indipendenti jew ħajjata li jaħdmu għal rashom.
Ismijiet tal-fibri
Id-deskrizzjoni tal-kompożizzjoni tal-fibra ta’ prodotti tessili għandha tuża fibri tessili elenkati fl-Anness I tar-Regolament.
Il-manifatturi jistgħu japplikaw mal-Kummissjoni Ewropea biex jinkludu isem ta’ fibra ġdida fl-Anness I għar-Regolament. Għandhom jissottomettu fajl tekniku mfassal skont l-Anness II li jelenka r-rekwiżiti minimi.
Indikazzjoni tal-kompożizzjoni
-
L-użu ta’ termini “100 %”, “puri” jew “kollha” huwa limitat għal prodotti tessili magħmulin minn fibra tessili waħda.
-
It-terminu “suf verġni” ( 2u t-termini elenkati fl-Anness III) jista’ jintuża fuq tikketti biss meta l-prodott ikun magħmul esklussivament minn fibra tas-suf li ma ġietx inkorporata qabel fi prodott lest, u li ma kienet soġġetta għal ebda insiġ.
-
Prodotti magħmulin minn diversi fibri għandhom jiġu ttikkettati bl-isem u l-perċentwal skont il-piż tal-fibri kostitwenti kollha, f’ordni dixxendenti.
-
Il-preżenza ta’ partijiet mhux tessili li joriġinaw mill-annimali (pereżempju, ċinga tal-ġilda fuq borża magħmula mid-drapp) fi prodotti tessili għandha tiġi indikata bil-frażi “Tinkludi partijiet mhux magħmulin minn tessuti li joriġinaw mill-annimali”.
Tikkettar u mmarkar ta’ prodotti tessili
-
Jekk għandhom jinbiegħu lill-konsumatur, għandhom jiġu ttikkettati u mmarkati b’mod durabbli, leġibbli, viżibbli u aċċessibbli, biex tiġi indikata l-kompożizzjoni tal-fibra tagħhom. It-tikkettar jew l-immarkar huma responsabbiltà ta’ dawk li jbiegħu l-prodotti.
-
Għal prodotti li jikkonsistu minn 2 komponenti tessili jew aktar li ma għandhomx l-istess kompożizzjoni ta’ fibra, għandu jidher kull komponent ta’ fibra.
-
It-tikkettar għandu jiġi offrut fil-lingwa/lingwi uffiċjali tal-pajjiż fejn jinbiegħ il-prodott.
-
It-tikkettar mhuwiex meħtieġ għall-prodotti elenkati fl-Anness V.
Sorveljanza tas-suq
L-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq tal-UE għandhom jiċċekkjaw il-kompożizzjoni tal-fibra tat-tessuti, skont il-metodi fl-Anness VIII.
META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?
Ilha tapplika mit-8 ta’ Mejju 2012.
SFOND
Leġiżlazzjoni dwar it-tessuti u l-ħwejjeġ
ATT
Regolament (UE) Nru 1007/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Settembru 2011 dwar l-ismijiet ta’ fibri ta’ tessuti u t-tikkettar u l-immarkar relatati tal-kompożizzjoni tal-fibri ta’ prodotti tat-tessut u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 73/44/KEE u d-Direttivi 96/73/KE u 2008/121/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 272, 18.10.2011, p. 1–64)
L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 1007/2001 ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata hija biss ta' valur dokumentarju.
l-aħħar aġġornament 30.11.2015