Nissieltu kontra l-korruzzjoni fl-UE
SOMMARJU TA’:
Komunikazzjoni KUMM(2011) 308 dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-UE
X’INHU L-GĦAN TAL-KOMUNIKAZZJONI?
- Din tħabbar li rapport tal-UE dwar il-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni se jiġi ppubblikat kull sentejn. Permezz ta’ data minn diversi sorsi, ir-rapport għandu l-għan li jidentifika x-xejriet u d-dgħjufijiet li jeħtieġ li jiġu indirizzati biex nissieltu aħjar kontra l-korruzzjoni.
- Tħeġġeġ lill-pajjiżi tal-UE biex jagħmlu użu mill-istrumenti eżistenti biex jindirizzaw il-korruzzjoni, bħall-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni u l-Konvenzjoni tal-Liġi Kriminali dwar il-Korruzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa. Tħeġġeġ ukoll lill-pajjiżi tal-UE biex jinkorporaw kif suppost il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-korruzzjoni fil-liġijiet nazzjonali tagħhom.
- Timpenja ruħha li ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-UE u organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Kunsill tal-Ewropa permezz tal-parteċipazzjoni fil-Grupp ta’ Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO) tagħha.
- Tagħmel enfasi fuq l-importanza tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni bħala parti prinċipali mill-politiki kollha tal-UE, kemm interni kif ukoll esterni. Internament, il-miżuri jinkludu l-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja msaħħa u regoli mmodernizzati dwar il-konfiska tal-assi kriminali. Esternament, il-Kummissjoni għandha tkompli tissorvelja l-politiki kontra l-korruzzjoni fil-pajjiżi li jaspiraw lejn sħubija fl-UE kif ukoll tagħmel il-miżuri kontra l-korruzzjoni kundizzjoni biex tingħata għajnuna għall-iżvilupp.
Rapport dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni
- L-ewwel rapport dwar il-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni tal-UE, maħruġ fi Frar tal-2014, fit-28 kapitolu ddedikati lill-pajjiżi tiegħu juri li hemm disparitajiet bejn il-pajjiżi tal-UE fin-natura u fil-livell tal-korruzzjoni. Huwa jiddedika kapitolu dwar il-vulnerabilità tal-akkwist pubbliku* għall-korruzzjoni, kwistjoni li tirrikjedi attenzjoni speċjali.
- Kull kapitolu dwar pajjiż jenfasizza x-xejriet u l-problemi tal-korruzzjoni, jirrikonoxxi l-prattika tajba, u jikkonkludi b’rakkomandazzjonijiet konkreti.
- Ir-rapport jikkondividi wkoll ir-riżultati ta’ żewġ stħarriġiet li jevalwaw l-esperjenzi u l-perċezzjonijiet tal-korruzzjoni fost iċ-ċittadini u l-kumpaniji tal-UE. Kollox ma’ kollox, 76% taċ-ċittadini tal-UE jikkunsidraw il-korruzzjoni bħala problema mifruxa fil-pajjiż tagħhom.
SFOND
Il-korruzzjoni hija kwistjoni madwar l-UE li tikkawża firxa wiesgħa ta’ problemi finanzjarji u soċjali. Minkejja li għandhom stabbiliti strumenti għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-pajjiżi tal-UE ma kinux konsistenti fl-implimentazzjoni tagħhom.
Għal aktar informazzjoni, ara:
TERMINI EWLENIN
L-akkwist pubbliku: ix-xiri ta’ oġġetti u servizzi minn awtorità pubblika, bħal gvern nazzjonali jew lokali. 20% tal-PDG tal-UE jintefaq fuq l-akkwist kull sena.
DOKUMENT EWLIENI
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Nissieltu kontra l-korruzzjoni fl-UE (KUMM(2011) 308 finali tas-6 ta’ Ġunju 2011)
DOKUMENTI RELATATI
Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-Grupp ta’ Stati kontra l-Korruzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa (GRECO) (KUMM(2011) 307 finali tas-6 ta’ Ġunju 2011)
Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Settembru 2011 li jwaqqaf il-grupp ta’ esperti dwar il-korruzzjoni (Il-Ġurnal Uffiċjali C 286, 30.9.2011, pp. 4-11)
Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew: Rapport tal-UE kontra l-korruzzjoni (KUMM(2014) 38 finali tat-3 ta’ Frar 2014)
l-aħħar aġġornament 08.08.2019