Il-Kumitat tal-UE għall-koordinazzjoni tal-prevenzjoni tal-frodi
SOMMARJU TAD-DOKUMENT:
Id-Deċiżjoni 94/140/KE li tistabbilixxi kumitat konsultattiv għall-koordinazzjoni tal-prevenzjoni ta' frodi fl-UE
X'INHU L-GĦAN TA' DIN ID-DEĊIŻJONI?
Din tistabbilixxi l-Kumitat Konsultattiv għall-Koordinazzjoni tal-Prevenzjoni tal-Frodi (Cocolaf), li għandu l-għan li jibni l-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea għall-prevenzjoni u l-iżgurar tal-prosekuzzjoni tal-frodi*.
PUNTI EWLENIN
-
Rappreżentant tal-Kummissjoni jippresjedi l-Cocolaf, li jikkonsisti f’żewġ rappreżentanti minn kull pajjiż tal-UE li jistgħu jkunu megħjuna minn żewġ rappreżentanti tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.
-
Biex torganizza b’mod aktar effettiv kooperazzjoni mill-qrib u regolari bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi tal-UE fil-ġlieda kontra l-frodi, skont l-Artikolu 325 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta lill-Cocolaf dwar kwalunkwe kwistjoni relatata ma’:
-
il-prevenzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ frodi u ta’ kwalunkwe attività illegali oħra li tista’ taffettwa ħażin l-interessi finanzjarji tal-UE;
-
il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE jew bejn il-pajjiżi tal-UE u l-Kummissjoni sabiex jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-UE.
-
Il-Cocolaf jappoġġja x-xogħol tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF), li jinvestiga l-korruzzjoni u l-imġiba ħażina serja fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE, kif ukoll il-frodi kontra l-baġit tal-UE. Il-Cocolaf jikkumplimenta wkoll il-Programm Hercule III, li jiffinanzja proġetti li, fost affarijiet oħra, iżid il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE, il-Kummissjoni u l-OLAF kontra l-frodi.
-
Il-Cocolaf, bi qbil mal-Kummissjoni, jista’ jwaqqaf gruppi ta’ ħidma li jindirizzaw kwistjonijiet speċifiċi. F’dan ir-rigward, inħolqu dawn l-erba’ sottogruppi:
-
Il-Grupp għall-Prevenzjoni tal-Frodi: jistimula l-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti tal-pajjiżi tal-UE u l-Kummissjoni billi jiskambja l-esperjenzi u l-aħjar prassi fil-qasam tal-prevenzjoni tal-frodi (eż.
-
l-esperjenza fil-valutazzjoni tar-riskju ta’ frodi,
-
l-iskambju ta’ prattiki ta’ frodi skoperti,
-
l-esperjenza fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji jew politiki jew miżuri, eċċ. nazzjonali jew settorjali kontra l-frodi).
-
Il-Grupp li Jirrapporta u Janalizza l-Frodi u Irregolaritajiet Oħrajn: jiffoka fuq l-introduzzjoni u d-diskussjoni ta’ analiżi statistika ta’ każijiet rapportati u jikkunsidra kwistjonijiet oħrajn rilevanti għat-tħejjija tar-rapport tal-Artikolu 325.
-
Il-Grupp AFCOS (is-Servizz ta’ Koordinazzjoni Kontra l-Frodi): jiskambja l-esperjenza u l-aħjar prassi fil-koordinazzjoni investigattiva bejn l-OLAF u l-awtoritajiet nazzjonali, skont ir-regolament li jirregola l-investigazzjonijiet tal-OLAF (ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013).
-
In-Netwerk tal-Komunikaturi Kontra l-Frodi tal-OLAF (OAFCN): ilaqqa’ lill-kelliema u lill-uffiċjali tar-relazzjonijiet pubbliċi minn awtoritajiet nazzjonali rilevanti u mill-OLAF sabiex jaqsmu l-istrateġiji medjatiċi u jippromwovu l-komunikazzjoni dwar il-prevenzjoni u l-iskoraġġiment tal-frodi.
-
Il-Kummissjoni torganizza l-laqgħat u tipprovdi servizzi ta’ segretarjat lill-Cocolaf.
SFOND
L-Artikolu 325 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jeħtieġ li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-istess miżuri sabiex jikkumbattu l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni bħal ma jieħdu sabiex jikkumbattu l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tagħhom stess. Sadanittant, il-Kummissjoni hija responsabbli għall-implimentazzjoni xierqa tal-baġit tal-UE. Għal dawn ir-raġunijiet, ġie deċiż li jiġi stabbilit kumitat li jkopri l-qasam kollu tal-frodi kontra l-baġit tal-UE.
* TERMINI EWLENIN
Frodi: qerq illegali maħsub biex jirriżulta fi qligħ finanzjarju jew kriminali.
DOKUMENT EWLIENI
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/140/KE tat-23 ta’ Frar 1994 li tistabbilixxi kumitat konsultattiv għall-koordinazzjoni tal-prevenzjoni ta' frodi (ĠU L 61, 4.3.1994, p. 27-28)
Emendi suċċessivi għad-Deċiżjoni 94/140/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata għandha valur dokumentarju biss.
l-aħħar aġġornament 25.07.2016