Deterġenti aktar sikuri għall-konsumaturi Ewropej
SOMMARJU TA’:
Ir-Regolament (KE) Nru 648/2004 dwar id-deterġenti
X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?
- Deterġenti* jista’ jkun fiha ingredjent bl-isem aġenti tensjoattivi* li jwasslu sabiex dawn inaddfu b’mod aktar effiċjenti iżda jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-kwalità tal-ilma meta jiġu rilaxxati fl-ambjent naturali. Għalhekk l-użu tagħhom għandu jiġi kkontrollat sew.
- Ir-regolament jistabbilixxi regoli komuni sabiex id-deterġenti u l-aġenti tensjoattivi jkunu jistgħu jinbiegħu u jintużaw fl-Unjoni Ewropea (UE), filwaqt li jipprovdi livell għoli ta’ protezzjoni lill-ambjent u s-saħħa tal-bniedem.
- Ir-regolament jippermetti biss aġenti tensjoattivi li jissodisfaw il-kriterju ta’ bijodegradabilità finali* biex jitqiegħed fis-suq, waħedhom (eż. bħala taħlitiet kostitwenti użati fil-manifattura tad-deterġenti) jew bħala ingredjenti f’deterġenti.
- Reviżjoni tar-regolament huwa għaddej bħalissa bħala parti mill-inizjattiva REFIT.
PUNTI EWLENIN
- Il-leġiżlazzjoni tarmonizza l-metodi ta’ ttestjar sabiex tiddetermina l-bijodegradabilità tal-aġenti tensjoattivi kollha li jintużaw fid-deterġenti. Dawn ikopru l-bijodegradabilità primarjau finali*.
- It-testijiet iridu jitwettqu f’laboratorji li jissodisfaw standards rikonoxxuti fuq il-livell internazzjonali.
- Il-manifatturi huma responsabbli sabiex jiżguraw li l-prodotti tagħhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni.
- Il-manifatturi jridu jagħmlu disponibbli l-fajls dwar ir-riżultati tat-testijiet lill-awtoritajiet rilevanti u karta ta’ tagħrif dwar l-ingredjenti lill-persunal mediku, mingħajr dewmien u fuq talba.
- L-informazzjoni fuq l-ippakkjar tad-deterġenti trid tkun tista’ tinqara, viżibbli u ma tkunx tista’ titħassar. Din tinkludi d-dettalji ta’ kuntatt għall-manifattur u l-karta ta’ tagħrif.
- It-tikketti fuq id-deterġenti mibjugħa għall-użu mill-pubbliku jridu jipprovdu dettalji ta’ dożaġġi rakkomandati għal ħasliet differenti f’magna tal-ħasil standard.
- L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jipprojbixxu deterġent speċifiku jekk iqisu li huwa ta’ riskju għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew għall-ambjent. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni Ewropea u lil Stati Membri oħra tal-UE dwar id-deċiżjoni.
Fl-2012, il-leġiżlazzjoni ġiet emendata sabiex tarmonizza regoli biex jiġi limitat il-kontenut ta’ fosfati u komposti tal-fosfru oħrajn f’deterġenti għall-ħasil domestiku tal-ħwejjeġ u magni għall-ħasil tal-platti.
MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?
Ilu japplika mit-8 ta’ Ottubru 2005.
SFOND
- Il-leġiżlazzjoni preċedenti kienet tkopri biss il-bijodegradabilità primarja tal-aġent tensjoattiv fid-deterġenti. Dan ir-regolament jissostitwixxiha billi jagħmel enfasi fuq il-bijodegradabilità finali.
- L-emenda tal-2012 tintroduċi limiti ġodda sabiex titnaqqas il-ħsara li l-fosfati mid-deterġenti jista’ jkollhom fuq l-ekosistemi u l-kwalità tal-ilma, li huwa magħruf bħala “ewtrofikazzjoni”.
- Għal aktar informazzjoni, ara:
TERMINI EWLENIN
Deterġent. Kwalunkwe sustanza jew preparazzjoni, kemm likwida, f’forma ta’ trab jew forma oħra, li fiha sapun u/jew aġenti tensjoattivi għall-ħasil jew għat-tindif.
Aġent tensjoattiv. Wieħed mill-ħafna komposti differenti li huwa magħmul minnhom deterġent. L-aġenti tensjoattivi jiġu miżjuda sabiex ineħħu l-ħmieġ mill-ġilda, ħwejjeġ u oġġetti tad-dar, b’mod partikolari fil-kċejjen u l-kmamar tal-banju. Dawn ibaxxu t-tensjoni tal-wiċċ bejn żewġ likwidi jew bejn likwidu u solidu. Jistgħu jaġixxu wkoll bħala aġenti li jnaqqsu t-tensjoni tas-superifċje, emulsifikaturi jew aġenti li jagħmlu r-ragħwa. It-terminu ġej minn “aġent attiv fil-wiċċ”.
Bijodegradabilità finali. Meta aġent tensjoattiv jitkisser f’diossidu tal-karbonju, ilma u melħ minerali u jiġi assorbit fl-ambjent.
Bijodegradabilità primarja. Meta aġent tensjoattiv jitlef il-kapaċità tiegħu ta’ aġent attiv fil-wiċċ. Huwa importanti li din il-kapaċità tintilef biex jitnaqqsu kemm jista’ jkun l-effetti negattivi fuq impjanti tat-trattament tal-ilma.
DOKUMENT PRINĊIPALI
Ir-Regolament (KE) Nru 648/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 dwar diterġenti (ĠU L 104, 8.4.2004, pp. 1–35).
L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 648/2004 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.
l-aħħar aġġornament 12.07.2022